ISSN 1977-0987 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 57 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
Il-Kumitat tar-Regjuni |
|
|
Il-108 Sessjoni Plenarja tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2014 |
|
2014/C 415/01 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Finanzjament fit-tul tal-Ekonomija Ewropea |
|
2014/C 415/02 |
||
2014/C 415/03 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-turiżmu kostali u marittimu |
|
2014/C 415/04 |
||
2014/C 415/05 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi |
|
|
III Atti preparatorji |
|
|
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI |
|
|
Il-108 Sessjoni Plenarja tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2014 |
|
2014/C 415/06 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett għal Arja Nadifa għall-Ewropa |
|
2014/C 415/07 |
||
2014/C 415/08 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol mhux Iddikjarat |
|
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat tar-Regjuni
Il-108 Sessjoni Plenarja tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2014
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/1 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Finanzjament fit-tul tal-Ekonomija Ewropea
2014/C 415/01
Relatur |
Is-Sur Witold Krochmal (PL/AE), Membru tal-Kunsill tal-Muniċipju u l-Belt ta' Wołów |
Dokument ta' referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea COM(2014) 168 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea, li tirrappreżenta rikonoxximent li l-finanzjament fit-tul huwa fattur essenzjali biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u biex in-negozju Ewropew jaqbad it-triq lejn tkabbir stabbli u kompetittiv; |
2. |
iqis li l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni jikkontribwixxu biex jistabbilixxu prinċipji bażiċi għall-finanzjament tal-ekonomija Ewropea li jistgħu jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi; |
3. |
il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea ser jikkontribwixxi għal żieda fil-possibbiltajiet għall-finanzjament ta' investiment f'infrastruttura ewlenija, li se jagħmluha iktar faċli biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw dawn il-proġetti; |
4. |
għal dan il-għan is-sorsi finanzjarji fit-tul għandhom ikunu ffokati fuq proġetti ekonomiċi konformi mal-għanijiet ta' politika tal-UE u mal-Istrateġija Ewropa 2020 u, fl-istess ħin, jirriflettu l-pakkett tal-klima u l-enerġija sal-2030; |
5. |
jinsab fiduċjuż li regolazzjoni legali adatta tas-sistema tal-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea ser tegħleb l-averżjoni għar-riskju fost l-investituri potenzjali; |
6. |
jitlob għalhekk għal qafas ta' politika tal-UE li jippromovi l-kwalità tal-investiment pubbliku f'temi soġġetti għal azzjoni tal-UE kif imniżżel fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012 li talbu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex "(jisfruttaw) il-possibbiltajiet offruti mill-qafas fiskali eżistenti tal-UE biex jiġu bbilanċjati l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku produttiv mal-objettivi tad-dixxiplina fiskali (…) fil-parti preventiva tal-PST (1); |
7. |
jenfasizza li l-kundizzjonijiet għall-iffinanzjar tal-ekonomija reali qed jissawru mill-ġdid b'mod fundamentali mill-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali li għaddejja bħalissa. F'dan il-kuntest, l-investimenti fit-tul pubbliċi u privati huma dejjem aktar komplementari. Tabilħaqq, l-investiment pubbliku mhuwiex biss stimolu għall-investiment privat iżda ta' sikwit jirrappreżenta prerekwiżit għall-istabbiliment ta' kundizzjonijiet strutturali adatti ta' ekonomija reġjonali u għandu rwol bħala stabilizzatur awtomatiku, jiġifieri bafer kontroċikliku fi żminijiet ta' kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi. L-investiment pubbliku jirrigwarda wkoll l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' interess ġenerali f'oqsma (bħalma huma l-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka, l-infrastruttura, is-saħħa, l-ambjent...) fejn l-intervent pubbliku huwa meħtieġ għaliex il-benefiċċji usa' għas-soċjetà ma jikkorrispondux mal-investiment privat u b'hekk il-fallimenti tas-suq x'aktarx li jwasslu għal nuqqas ta' nfiq; |
8. |
jisħaq li l-mekkaniżmi għall-finanzjament għandhom jiġu vvalutati bħala parti minn riforma sħiħa tal-ħajja tax-xogħol. Jekk jiġu stabbiliti regoli tajbin, jistgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet għal riforma sostanzjali tal-ħajja tax-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tad-diġitalizzazzjoni u jistgħu jiżdiedu wkoll il-kapaċitajiet biex it-tfaddil jintuża permezz ta' settur finanzjarju miftuħ, sigur u kompetittiv. It-taħlita ta' dawn l-elementi flimkien issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija u l-industrija Ewropea; |
is-settur bankarju
9. |
jenfasizza li kwalunkwe regolazzjoni dwar ir-rekwiżiti kapitali għandha tqis l-impatt ta' tali regolazzjoni fuq il-kapaċità tal-banek biex isellfu b'maturitajiet fit-tul; |
10. |
iqis li l-banek muniċipali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol speċjali f'xi Stati Membri fil-finanzjament fit-tul peress li għandhom l-aħjar għarfien tal-ekonomija ta' reġjun partikolari u ħafna drabi jkunu f'pożizzjoni li jsegwu politiki effettivi u effiċjenti fil-qasam tal-finanzjament ekonomiku fit-tul f'dak ir-reġjun partikolari; |
11. |
josserva wkoll li s-sistemi ta' rappurtar finanzjarju, b'mod partikolari għall-SMEs, għandhom ikunu trasparenti u kredibbli biżżejjed biex banek li jinsabu barra r-reġjun tal-operat tal-kumpanija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja; |
12. |
itenni l-appoġġ tiegħu (2) rigward il-proposta għar-riforma strutturali tas-settur bankarju Ewropew (3), billi l-attività finanzjarja f'forma ta' self lill-intrapriżi tiġi sseparata minn attivitajiet ta' spekulazzjoni. L-effett ta' din ir-regolazzjoni għandu jkun li tillimita l-użu ta' depożiti għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' spekulazzjoni u li l-fondi jgħaddu għal ġol-ekonomija reali; |
is-settur tal-assigurazzjoni
13. |
iħeġġeġ il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għall-finanzjament fit-tul tal-ekonomija minn kumpaniji tal-assigurazzjoni, fost affarijiet oħra permezz ta' investiment fl-infrastruttura, l-SMEs u l-intrapriżi soċjali; |
14. |
iqis li l-fondi tal-pensjonijiet huma l-iktar disposti għall-investiment tar-riżorsi fit-tul peress li għandhom obbligazzjonijiet fit-tul; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali joħolqu sistemi ta' garanzija sabiex inaqqsu r-riskji u jħeġġu l-investituri jużaw ir-riżorsi tal-iskemi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni għall-finanzjament fit-tul; |
15. |
fir-rigward tar-redditu annwali dgħajjef tal-fondi tal-pensjoni u tal-iskemi ta' assigurazzjoni fuq perjodu twil ta' żmien, sa ċertu punt minħabba l-frammentazzjoni nazzjonali tas-swieq, jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-ħolqien ta' prodott ġdid ta' tfaddil Ewropew u mobbli ċċertifikat permezz ta' passaport Ewropew għall-prodotti ta' tfaddil/pensjoni abbażi tal-mudell ta' dak li diġa jeżisti għall-unit trusts. Sistema bħal din għandha toffri prodotti tal-pensjonijiet tal-individwi li jkunu jistgħu jipprovdu finanzjament sigur u effettiv tal-investimenti fit-tul; |
16. |
iqis li l-finanzi pubbliċi mhumiex qed jiġu sfruttati biżżejjed, sitwazzjoni riflessa fir-redditu eċċessivament baxx fuq l-investimenti pubbliċi u l-kapaċità limitata għall-ingranaġġ tal-investimenti privati, li jfisser li jitnaqqas il-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku; |
is-swieq kapitali
17. |
iqis li fil-qafas tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-ekonomija Ewropea għandhom jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-iżvilupp tas-swieq finanzjarji Ewropej, bi strumenti finanzjarji strutturati b'tali mod li jippermettu l-investiment f'SMEs elenkati; |
18. |
iqis li jeħtieġ li ssir sensibilizzazzjoni fost l-intraprendituri u l-investituri potenzjali dwar it-tħaddim tas-swieq kapitali. B'rabta ma' dan, l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni ser ikollhom jaħdmu mal-istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali fuq il-miżuri attwali biex jittejbu l-possibbiltajiet li l-kapital jappoġġja l-ekonomija, inklużi l-SMEs; |
19. |
jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp tas-swieq tal-allokazzjonijiet privati f'għadd ta' pajjiżi tal-UE u n-numru dejjem ikbar ta' emittenti Ewropej fis-suq Amerikan tal-allokazzjonijiet privati; jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jistabbilixxu regoli li jneħħu l-ostakli li jfixklu l-iżvilupp ta' dawn is-swieq speċjalment dawk relatati mal-informazzjoni dwar l-emittenti; |
20. |
jappella lill-Kummissjoni tħaffef il-pass tal-ħidma dwar id-definizzjoni ta' regoli tal-UE dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-armonizzazzjoni/ż-żieda fil-komparabbiltà tal-informazzjoni dwar l-SMEs fl-UE kollha kemm hi; |
il-finanzjament tal-infrastruttura
21. |
iqis li peress li qed jonqsu s-sorsi konvenzjonali ta' finanzjament għall-investimenti fl-infrastruttura, hemm bżonn approċċ ġdid lejn il-finanzjament li jqis il-politiki kollha eżistenti implimentati mill-UE. Dan l-approċċ għandu jqis diversi sorsi ta' finanzjament, inklużi dawk privati, kif ukoll il-qagħda tal-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati Membri individwali tal-UE; |
22. |
jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea wriet livell baxx ta' ambizzjoni fir-rigward tal-introduzzjoni ta' kont ta' tfaddil Ewropew peress li tikkuntenta billi tgħid: “Is-servizzi tal-Kummissjoni se jwettqu sal-aħħar ta' 2014 studju ta' fallimenti possibbli tas-suq u nuqqasijiet oħra dwar flussi transfruntieri tat-tfaddil, inkluża ħarsa ġenerali lejn mudelli ta' kontijiet tat-tfaddil nazzjonali u valutazzjoni tal-opportunità tal-introduzzjoni ta' kont tat-tfaddil tal-UE.” (4); |
23. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu investimenti strutturali b'redditu għoli biżżejjed biex il-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta' infrastruttura tkun attraenti għall-fondi ta' investiment fl-infrastruttura; |
24. |
iqis li jeħtieġ li jinxterdu l-aħjar prattiki tal-investimenti tal-kapital privat fl-infrastruttura, kemm fost l-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll fost investituri potenzjali. L-aħjar prattiki jistgħu jintużaw biex jiżviluppaw mudelli proċedurali biex jittejjeb il-proċess tal-finanzjament tal-infrastruttura; |
25. |
iqis li huwa importanti li jiġu appoġġjati l-inizjattivi lokali u reġjonali kollha għall-investiment, intiżi għall-finanzjament tal-infrastruttura mill-kapital privat assoċjat mal-qasam li fih titħaddem din l-infrastruttura, u b'hekk l-investituri u r-residenti jiġu megħjuna b'mod sostanzjali biex jidentifikaw mal-proġetti u jerfgħu r-responsabbiltà li jġibu magħhom; |
26. |
jaqbel bis-sħiħ mal-istqarrija li l-ġbid tal-kapital għall-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea jiddependi bil-bosta mill-ambjent regolatorju u kummerċjali kemm fl-ekonomija Ewropea kif ukoll fl-ekonomiji tal-Istati Membri individwali tal-UE; |
kummenti tal-aħħar
27. |
jemmen li dawn il-miżuri mill-istituzzjonijiet Ewropej inklużi fil-Komunikazzjoni huma ferm importanti:
|
Brussell, 7 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tal-UEM, punt 2.
(2) Ara l-Opinjoni tal-KtR tas-26 ta' Ġunju 2014 (ECOS-V-055).
(3) COM (2014) 43.
(4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, p. 9.
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/5 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Miżuri biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata
2014/C 415/02
Relatur |
Is-Sur Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Introduzzjoni
Studju reċenti (1) jissuġġerixxu li l-ekonomija tal-Internet fis-swieq żviluppati tal-G-20 qed tipprevedi rata ta’ tkabbir annwali ta’ 8 % għall-ħames snin li ġejjin. Barra minn hekk, il-forza tax-xogħol tal-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet fl-Ewropa se tiżdied minn miljun fl-2013 għal 2,8 miljun fl-2018 (2). Il-persunal ta’ appoġġ u tal-marketing ħolqu 1,8 miljun postijiet tax-xogħol fl-2013, b’żieda prevista għal 4,8 miljuni fl-2018. Din id-data tissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fenomenu tal-istart ups ta’ teknoloġija avvanzata li, jekk jiġi ġestit b’mod tajjeb, jista’ jsir għall-Ewropa mutur veru u proprju ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi. Madankollu, wieħed għandu jqis il-fatt li fil-kontinent l-antik l-intraprenditorija ma ġietx ikkoltivata b’mod sistematiku; minn issa ‘l quddiem l-isforzi jridu jkunu ħafna iżjed intensivi u effikaċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, infatti, billi huma responsabbli għal terz tal-ispiża pubblika u għal żewġ terzi tal-investiment pubbliku, huma element deċiżiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE u titrawwem l-intraprenditorija.
Konsiderazzjonijiet bażiċi
1. |
L-ekosistemi tal-istart ups ta’ teknoloġija avvanzata huma entità li ma tistax tiġi prevista jew ippjanata minn qabel, talinqas mhux kollha kemm hi. F’ekosistema, ħafna mill-fatturi varjabbli ma jistgħux jiġu kkontrollati. Għaldaqstant huwa possibbli li wieħed jidentifika fatturi li jgħinu l-intraprenditorija, jiġifieri: aċċess aħjar għal kreditu, regolamentazzjoni u qafas fiskali effiċjenti, promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali u inklinazzjoni qawwija lejn ir-riskju tal-impriżi. Dawn l-aspetti ġew enfasizzati f’diversi okkażjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 (3). Fl-istess waqt, sabiex titrawwem l-intraprenditorija tat-teknoloġija avvanzata, jeħtieġ tiġi stabbilita infrastruttura li tiżgura l-aċċess għall-broadband. |
2. |
Għalhekk, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit minn qabel fejn se tinħoloq ekosistema. L-għażla ta’ fejn l-istart ups għandhom ikunu bbażati mhijiex f’idejn dawk li jfasslu l-politika iżda f’idejn l-istart ups stess, skont il-kondizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp li jiġu offerti. |
3. |
Sabiex dawn l-ekosistemi jiġu appoġġati jridu jiġu mobilizzati l-amministrazzjoni pubblika, dawk li jfasslu l-politika, is-sistema intraprenditorjali, id-dinja akkademika, l-istudenti u l-partijiet interessati kollha l-oħra, u għandhom jingħataw l-għodod meħtieġa. L-edukazzjoni taqdi rwol deċiżiv hawnhekk, fejn l-eċċellenza u l-innovazzjoni jinħolqu mill-persuni. |
4. |
Għandu jitnaqqas għal livell minimu r-riskju ta’ fallimenti u nuqqas ta’ effiċjenza, b’loġika ta’ koordinazzjoni fuq livell nazzjonali, u billi jiġu polarizzati u kkonċentrati r-riżorsi fuq xi ekosistemi identifikati abbażi ta’ kriterji definiti. Huwa l-livell reġjonali l-iżjed adatt biex jaħseb fit-tipi ta’ aggregazzjoni ta’ riżorsi. |
5. |
Fl-Ewropa hemm frammentazzjoni eċċessiva tal-inizjattivi, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali. Hija prevista l-ħtieġa għal qafas ta’ referenza komuni. |
Immappjar
Il-punt ta’ tluq sabiex jittieħdu deċiżjonijiet bil-għan li jintlaħqu l-objettivi huwa li tinkiseb informazzjoni ċara u eżawrjenti dwar il-fenomenu li se jiġi ġestiti. Għalhekk, il-KtR iqis opportun:
6. |
valutazzjoni ta’ dak kollu li diġà sar b’mod konkret, filwaqt li jitqies il-fatt li diversi reġjuni Ewropej diġà għandhom strumenti u/jew adottaw politiki favur l-istart ups tat-teknoloġija avvanzata. Dan għandu jippermetti li jinħoloq “dashboard” li joffri qari sempliċi u immedjat. |
7. |
l-organizzazzjoni tad-data f’raggruppamenti sabiex jiġu individwati l-prinċipji ewlenin: b’hekk inkunu nistgħu naqraw b’mod analitiku l-miżuri li diġà ġew adottati mir-reġjuni u nindividwaw ix-xejriet. |
8. |
il-ħolqien ta’ bażi ta’ data adatta fejn il-livelli ta’ governanza diċentralizzata jkunu jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki adottati. B’konsegwenza ta’ dan ikun possibbli wkoll li jiġu implimentati prattiki ta’ benchmarking, li huma utli ħafna l-iżjed għal dawk ir-reġjuni li għadhom ma laħqux il-profil ta’ regolamentazzjoni. |
9. |
l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ valutazzjoni tal-effikaċja tal-interventi sabiex isiru verifiki perjodiċi u intermedjarji tar-riżultati milħuqa. |
10. |
il-kjarifika ta’ liema huma, fil-livell reġjonali, il-partijiet interessati l-iżjed rilevanti u x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom meta jappoġġjaw l-istart ups. Anke strumenti li diġà huma disponibbli u li jintużaw fi proġetti Ewropej oħra se jkunu użati għal dan il-għan: Dynamic Mapping of Web Entrepreneurs and Startups’ ecosystem, Cluster Observatory. |
Semplifikazzjoni u standardizzazzjoni tal-burokrazija
11. |
Jekk il-kunċett tal-istart ups huwa marbut mal-kunċett ta’ flessibilità, irid jitnaqqas sal-minimu l-piż burokratiku. L-ostakoli burokratiċi għadhom sal-lum meqjusin bħala waħda mill-problemi ewlenin li għandha tiġi indirizzata. Għalhekk, il-KtR jipproponi li: |
11.1. |
jiġu semplifikati u standardizzati r-regolamenti reġjonali sabiex ma jitqegħidx piż żejjed fuq dawk nazzjonali; |
11.2. |
tkun disponibbli onlajn l-iżjed informazzjoni utli possibbli, u b’mod strutturat, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; |
11.3. |
jiġi stabbilit standard minimu rigward l-informazzjoni li għandha tingħata b’mod li jkunu jistgħu jitwettqu operazzjonijiet ta’ valutazzjoni u komparattivi min-naħa ta’ dawk li jirċievu l-informazzjoni; |
11.4. |
jkunu disponibbli onlajn il-prattiki kollha li għandhom jiġu implimentati b’mod li jitnaqqsu u ma jkunux żejda; kif ukoll tingħata l-possibilità li l-prattiki burokratiċi jkunu jistgħu jsiru b’mod dirett onlajn; |
11.5. |
tkun disponibbli l-informazzjoni onlajn fi kwalunkwe lingwa lokali kif ukoll bl-Ingliż; |
12. |
Il-punti 11.1-11.5 għandhom jiġu implimentati wkoll bl-użu ta’ strumenti li diġà jeżistu, bħall-portal http://ec.europa.eu/internal_market/eu-go/ |
Kwalifikazzjonijiet tal-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
Fi ħdan l-istrateġija kumplessiva mmirata biex tiffavorixxi l-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata, il-KtR jenfasizza li:
13. |
Il-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali għandhom jiġu mħarrġa. Persuni li jassumu r-rwol li jbassru l-futur tal-ekonomija jridu jkunu preparati mill-aħjar u “jgħixu fil-fruntiera tal-innovazzjoni”. |
14. |
Għandha tiġi żviluppata fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, u fl-individwi inġenerali, il-kapaċità li jipprevedu, jiġifieri l-kapaċità li jikkonċepixxu programm b’tali mod li jkun jista’ jwassal għal riżultati. Huwa neċessarju wkoll taħriġ intraprenditorjali. |
15. |
jiġu previsti mekkaniżmi ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi offruti, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu mħeġġa jagħmlu mill-aħjar. |
16. |
Anke r-reġjuni, bħall-gvernijiet, iridu jibdew jaħsbu fuq livell diġitali. Dan għandu jippermetti mhux biss żieda fl-effiċjenza iżda wkoll effikaċja ikbar tas-servizzi mogħtija liċ-ċittadin. |
17. |
Iridu jsiru aktar sforzi sabiex kull reġjun, bħal kull Stat Membru, jaħtar Uffiċjal Diġitali Ewlieni. Uffiċjali Diġitali Ewlenin permanenti li jaħdmu full-time ikunu jistgħu jgħinu jassiguraw li l-innovazzjonijiet diġitali jkollhom impatt mill-iktar wiesa’ u effikaċi. |
18. |
Id-data reġjonali trid tkun pubblika, filwaqt li tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Din hija sors essenzjali ta’ informazzjoni għall-istart ups. Jekk id-data reġjonali tkun pubblika, jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja. Barra minn hekk, dan għandu jżid il-possibilitajiet li kumpaniji innovattivi jiltaqgħu ma’ opportunitajiet potenzjali. |
19. |
Ir-reġjuni kollha jridu jistabbilixxu talinqas ammont limitat ta’ objettivi kwantitattivi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir intelliġenti u l-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ start ups tat-teknoloġija avvanzata; bħala alternattiva, iridu jadottaw approċċ kwalitattiv konsistenti ta’ mixja pożittiva ta’ tibdil li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi. |
20. |
Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki jridu jkunu r-responsabbiltà ta’ Kumitat Tekniku speċifiku magħmul minn esperti indipendenti. Bħala segwitu tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ, kull reġjun irid jippubblika rapport perjodiku (talinqas annwali) dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Fuq kollox, dan ir-rapport għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-reġjun RIS3 għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, b’referenza partikolari għall-progess li sar fl-iżvilupp tal-ekosistema tal-innovazzjoni u kif jista’ jintlaħaq it-tkabbir u jinħolqu negozji bi prestazzjonijiet għolja. Għan ieħor tal-evalwazzjoni huwa li tiġi promossa koordinazzjoni fl-Ewropa bejn attivitajiet f’din l-isfera. Madankollu, ir-rapport m’għandux iżid il-piż amministrattiv għall-atturi lokali u reġjonali; |
21. |
Huwa neċessarju l-aġġornament malajr kemm jista’ jkun ta’ bażi statistika adegwata fil-livell lokali u reġjonali u d-definizzjoni ta’ indikaturi ta’ progress reġjonali utli għall-monitoraġġ tar-riżultati milħuqa. L-għan huwa li wieħed jifhem liema politiki kienu iżjed effikaċi u liema ma kinux, sabiex jiġu indirizzati l-politiki futuri. |
Appoġġ għall-edukazzjoni intraprenditorjali u ispirazzjoni għall-innovazzjoni
L-evidenza empirika turi kif is-suċċess intraprenditorjali huwa marbut mill-qrib u b’mod pożittiv mal-livell ta’ taħriġ tal-intraprendituri, independentement mill-profil tat-taħriġ kollu tagħhom (4). F’xi Stati Membri d-data tindika li l-proporzjon ta’ gradwati li ħames snin wara li ggradwaw jiddikjaraw li huma intraprendituri huwa biss 1 %. Joħroġ fid-dieher ukoll distakk dejjem jikber bejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li jimpjegaw u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema: 26 % ta’ dawk li jimpjegaw fl-Ewropa jsibu diffikultajiet biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas ta’ talent (5). Għaldaqstant, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’:
22. |
Għandu jkun hemm persuna ta’ referenza li taħdem kontinwament biex tippromovi l-kultura intraprenditorjali. Din għandha tiġi mħeġġa permezz ta’ xhieda ta’ suċċessi li kien hemm fil-passat. Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom jiġu informati dwar il-possibilitajiet li llum il-ġurnata huma offerti bis-saħħa tat-teknoloġiji ġodda. |
23. |
Il-promozzjoni ta’ attitudini proattiva min-naħa taż-żgħażagħ filwaqt li jitneħħew ostakli kulturali u psikoloġiċi li jillimitaw l-aċċess għall-intraprenditorjat. Dan jindika l-ħtieġa ta’ strateġija komprensiva tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija, kif diġà enfasizza l-KtR fl-Opinjoni tiegħu dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni” (6). |
24. |
Ħolqien ta’ entużjażmu lejn l-intraprenditorija. L-intraprendituri ta’ suċċess li l-attivitajiet tagħhom ikollhom impatt reali fuq il-ħajja tan-nies għandhom jiġu ċċelebrati u jitqiesu bħala xempji. Għandna bżonn li niġu stimolati, kemm fil-qasam tal-intraprenditorija kif ukoll fl-innovazzjoni. |
25. |
Il-ħolqien ta’ inkubaturi tan-negozju bħala parti integrali tal-kurrikulu edukattiv u r-rabta tal-edukazzjoni mad-dinja tan-negozju. Dan għandu jippermetti lill-istudenti biex ikollhom idea ta’ xi jfisser li tibda tmexxi kumpanija mingħajr ma jkollok tieqaf mill-istudju, li fil-każ li l-kumpanija tfalli, ikun ix-xibka ta’ salvataġġ tagħhom. |
26. |
L-appoġġ tal-programmi edukattivi mmexxija f’kooperazzjoni mad-dinja tan-negozju, għal orjentament internazzjonali għall-istart ups u l-kumpaniji li qed jikbru malajr, b’kombinazzjoni mal-aħħar teknoloġija, żviluppi tan-negozju u tad-disinn bi skoperti intraprenditorjali. Dawn iħallu benefiċċji lokalment u taw xhieda li jistgħu jġibu riżultati eċċellenti. |
27. |
Sabiex jiġi żgurat li programmi edukattivi u ta’ taħriġ vokazzjonali differenti jaġixxu b’mod effiċjenti għall-ħtiġijiet tas-suq, kriterju tajjeb li għandu jiġi adottat huwa dak tal-koinvestiment u/jew il-kopertura parzjali tal-ispejjeż: il-kumpaniji jistgħu, u fil-każ ta’ xi programmi għandhom, jonfqu minn flushom biex juru li jemmnu fl-inizjattiva. Idealment, dawn il-programmi jagħqdu flimkien persuni minn kumpaniji li joperaw f’reġjuni u setturi differenti, biex l-aħħar għarfien u teknoloġija jkunu aċċesibbli għalihom, u joħolqu proġetti ta’ sħubija bejn kumpaniji u stabbilimenti edukattivi u ta’ riċerka. |
28. |
Barra minn hekk, il-proċedura ta’ akkreditazzjoni ta’ dawn il-programmi trid tiġi semplifikata. |
29. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji bejn id-diversi proġetti Ewropej li jappoġġjaw l-intraprenditorija; b’mod partikolari bejn Orizzont 2020, COSME u ESIF. |
Speċjalizzazzjoni intelliġenti tal-ekosistemi
Kif ġie enfasizzat diġà fl-Opinjoni preċedenti “L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni (7)” il-Kumitat itenni li:
30. |
Il-Kunsill tal-UE enfasizza r-rwol intrinsiku tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Gwida tal-UE dwar l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) tiddefinixxi dawn l-istrateġiji bħala aġendi integrati u lokalizzati ta’ trasformazzjoni ekonomika. |
31. |
Il-pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3 Platform) għandha bżonn tappoġġja aktar l-attivitajiet fil-livelli reġjonali u lokali b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni anqas żviluppati. Dan ifisser l-ewwelnett l-appoġġ, f’kull reġjun, ta’ proċessi mmirati lejn id-definizzjoni tal-attivitajiet b’valur miżjud għoli fir-reġjun stess, u li jiġu offruti opportunitajiet aħjar biex tissaħħaħ il-kompetittività tar-reġjun u l-firxa ta’ politiki li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu definiti l-istrateġiji intelliġenti relattivi għall-ispeċjalizzazzjoni. |
32. |
Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-finanzjament fil-livell tal-UE u reġjonali għal ekosistemi ta’ innovazzjoni u ta’ produzzjoni b’karatteristiċi lokali, reġjonali jew transreġjonali qawwijin. |
Miżuri oħra utli
Il-KtR iħeġġeġ bil-qawwa kollha lir-reġjuni tal-Istati Membri diversi biex:
33. |
Jikkoordinaw l-interventi tad-diversi atturi tal-ekosistema. Jistimolaw l-interazzjoni u l-ħolqien ta’ netwerks bejn l-atturi tal-ekosistema huwa d-dmir prinċipali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. |
34. |
jakkwistaw iżjed mill-SMEs tat-teknoloġija avvanzata. Fl-UE kollha l-maġġoranza tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jintrebħu minn kumpaniji multinazzjonali. Għandu jkun hemm konformità mill-iktar fis possibbli kif previst fid-Direttivi ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku (8) li jtejbu b’mod ċar l-aċċess għas-suq għall-SMEs. |
35. |
Jiġi favorit id-dħul ta’ kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata ewlenin b’mod li jikber l-ammont ta’ talent teknoloġiku disponibbli u jinħoloq effett ta’ “spillover”. Dan kollu għandu jiġi pjanifikat fi ħdan qafas li mhuwiex biss imsejjes fil-livell lokali. |
Brussell, 7 ta’ Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) BCG, The $4.2 Trillion Opportunity –the Internet economy in the G-20, Marzu 2012.
(2) GIGAOM RESEARCH, Sizing the EU app economy, Frar 2014.
(3) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0795:FIN:MT:PDF
(4) Kummissjoni Ewropea, Effects and impact of entrepreneurship programmes in higher education, Marzu 2012.
(5) McKinsey Global Institute – Help wanted: The future of work in advanced economies, Marzu 2012 minn James Manyika, Susan Lund, Byron Auguste u Sreenivas Ramaswamy.
(6) CoR2392/2012
(7) CdR 2414/2012 fin.
(8) Direttiva 2014/24/UE li tieħu post Direttiva 2004/18/KE, Direttiva 2014/25/UE li tieħu post Direttiva 2004/17/KE
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/9 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-turiżmu kostali u marittimu
2014/C 415/03
Relatur |
Vasco Ilídio Alves Cordeiro (PT/PSE) President tal-Gvern Reġjonali Awtonomu tal-Azores |
Dokument ta' referenza |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali, COM(2014) 86 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa' l-ewwel strateġija Ewropea dwar it-turiżmu kostali u marittimu u r-rikonoxximent tal-importanza ta' qafas ċar u sostenibbli għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; |
2. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur tindirizza wkoll is-sitwazzjoni tat-turiżmu f'reġjuni oħra karatterizzati minn kundizzjonijiet naturali partikolari, pereżempju r-reġjuni muntanjużi jew b'densità baxxa tal-popolazzjoni, u tiżviluppa strateġiji speċifiċi għalihom; |
3. |
jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-turiżmu; jilqa' l-integrazzjoni tat-turiżmu kostali u marittimu f'politiki rilevanti oħra tal-UE bħall-konnettività tal-IT, it-trasport, l-ambjent, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol; |
4. |
jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea tan-natura speċifika tal-gżejjer u destinazzjonijiet remoti oħra fir-rigward tal-aċċessibbiltà, l-ispejjeż tat-trasport, id-dipendenza mill-istaġuni u l-konnettività u l-impatt tagħhom fuq it-turiżmu u l-ekonomija; |
5. |
sabiex tiġi implimentata din l-istrateġija, iqis li hemm bżonn jiġi definit u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala “turiżmu kostali u marittimu”, b'tali mod li ma jinkludix biss turiżmu bbażat fuq il-baħar u l-bajjiet, il-kruċieri u t-tbaħħir bil-jottijiet, id-dgħajjes u l-attivitajiet konnessi fuq l-art (1), iżda jinkludi wkoll attivitajiet u sport relatati mal-baħar bħall-għadis, l-osservazzjoni ta' annimali selvaġġi u l-attivitajiet ibbażati fuq il-mewġ u r-riħ u dawk marbutin mat-turiżmu kulturali: għandhom jidħlu f'din il-kategorija l-iskoperta tal-wirt u l-gastronomija, il-parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali u t-tagħlim dwar tipi u metodi differenti ta' sajd; |
6. |
jenfasizza l-ħtieġa li l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE jiġu appoġġjati b'opportunitajiet adatti ta' finanzjament provduti fi ħdan il-qafas finanzjarju l-ġdid u li jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà; b'hekk din l-istrateġija tiġi żviluppata f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati u tinvolvi koordinazzjoni bejniethom; |
7. |
jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut li t-turiżmu, fir-reġjuni kostali u marittimi, jista' jsaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar il-bżonn li tinkiseb sostenibbiltà ambjentali u kulturali, kif ukoll li jissaħħaħ u jiġi ppreservat il-wirt marittimu Ewropew, u jħeġġeġ tendenzi ta' mġiba (turiżmu responsabbli u parteċipattiv) li jistgħu jwasslu biex dawn l-għanijiet jinkisbu; |
8. |
jenfasizza l-pressjoni, li kulma jmur qed tiżdied, fuq ir-riżorsi naturali minħabba diversi użi u attivitajiet ekonomiċi żviluppati tul il-kosta Ewropea u jappella li l-istrateġiji dwar il-baċir tal-baħar jindirizzaw b'mod urġenti l-kwistjonijiet relatati ma' dawn l-attivitajiet, b'mod partikolari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-użu ta' enerġiji rinnovabbli, il-ġbir, il-ħżin u l-ipproċessar tal-iskart, it-telf tal-bijodiversità, il-qerda tal-ħabitats naturali, id-degradazzjoni kostali u l-erożjoni tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-ilma potenzjalment tajjeb għax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi; iqis li dawn l-isfidi jmorru lil hinn mill-kompetenzi ta' kwalunkwe reġjun jew pajjiż individwali u li jinħtieġu azzjoni koordinata madwar il-baċir kollu tal-baħar flimkien mal-finanzjament meħtieġ u skambju effettiv tal-aħjar prattiki; |
9. |
itenni li l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq u jiġu prevenuti kemm jista' jkun permezz tal-protezzjoni u l-irkurpru ta' żoni naturali kif ukoll billi t-turiżmu jiġi inkorporat fi skema ta' Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali; |
10. |
jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi Ewropej (pereżempju l-istatus tal-Bandiera Blu, il-Premju tal-Kosta ta' Kwalità, l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir Blu) fil-promozzjoni tal-prinċipji ta' kwalità tat-turiżmu Ewropew bħall-protezzjoni ambjentali, it-turiżmu sostenibbli, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost ir-reġjuni kostali u marittimi Ewropej, u jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi djalogu mal-istituzzjonijiet li jippromovuhom sabiex l-impatt tagħhom jitwessa' u r-reġjuni jitħeġġu jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn b'mod volontarju; |
11. |
jemmen li l-istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Blu flimkien mal-innovazzjoni toffri opportunità importanti biex tissaħħaħ l-ekonomija lokali u reġjonali u toħloq l-impjiegi, li jistgħu jwasslu biex ir-reġjuni kostali jsiru aktar attraenti għat-turisti. Fl-Opinjoni tal-KtR CoR-2014-02645-00-01 wieħed jista' jsib proposti dwar l-innovazzjoni u t-Tkabbir Blu; |
Dwar il-prestazzjoni u l-kompetittività
12. |
jenfasizza li, għalkemm it-turiżmu kostali u marittimu renda aktar qligħ fl-aħħar deċenju mit-turiżmu inġenerali, in-nefqa medja għal kull lejl u t-tul medju taż-żjara naqsu; għaldaqstant iqis li huwa ta' importanza assoluta li din it-tendenza tiġi miġġielda u jiżdiedu n-nefqa u t-tul taż-żjajjar fiż-żoni kostali u marittimi permezz ta' miżuri xierqa innovattivi, filwaqt li tiġi indirizzata l-problema tad-dipendenza mill-istaġuni; |
13. |
jenfasizza l-ħtieġa li r-reġjuni kostali u marittimi Ewropej jiżviluppaw strateġiji lokali mmirati lejn il-konservazzjoni, it-tisħiħ, u l-promozzjoni ta' karatteristiċi lokali ta' natura distintiva u b'hekk tiżdied il-viżibbiltà tagħhom bħala destinazzjonijiet turistiċi; |
14. |
josserva li qed tiżdied id-domanda għat-turiżmu speċjalizzat, bħal dak fis-setturi tas-saħħa, mediku, tal-isports, l-avventura, l-annimali selvaġġi, in-natura, l-ekogastronomija, tal-kultura u tal-lussu. Dawn ilkoll jippreżentaw potenzjal ta' tkabbir, żvilupp ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi; |
15. |
jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sensiela ta' offerti integrati tat-turiżmu li tinvolvi partijiet interessati differenti mill-komunitajiet lokali u li tħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi fir-reġjuni; jinnota l-potenzjal għall-ħolqien ta' konnessjonijiet bejn l-attivitajiet tradizzjonali fir-reġjuni kostali u marittimi Ewropej (pereżempju l-agrikoltura u s-sajd, l-għelejjel lokali, il-produzzjoni tal-inbid, il-wirt u t-tradizzjonijiet u l-użanzi lokali) sabiex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu ġodda, kif ukoll rabtiet bejn attivitajiet li jagħmlu t-turiżmu inqas dipendenti mill-istaġuni bħall-isport marbut mal-baħar u dak li jikkombina l-baħar u x-xatt; |
16. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor eżempji ta' prattika tajba u tippubblika studju dwar il-konverżjoni mill-ġdid ta' destinazzjonijiet tat-turiżmu tal-massa, u dwar eżempji ta' proġetti stabbli u integrati fil-qasam tat-turiżmu fir-reġjuni kostali u marittimi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar ir-riżultati ta' studju bħal dan ma' konferenza pan-Ewropea li tgħaqqad lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati; |
17. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dipendenza mill-istaġuni sikwit taffettwa t-turiżmu kostali u marittimu aktar milli taffettwa destinazzjonijiet oħra li għandhom fluss ta' wasliet aktar ibbilanċjat; għaldaqstant jenfasizza li dawn ir-reġjuni għandhom bżonn aktar għajnuna biex jiddiversifikaw il-flussi tat-turiżmu tagħhom u jħeġġeġ il-komunità kummerċjali lokali tippromovi u tuża b'mod kreattiv il-wirt lokali tagħha u l-provvista tas-servizzi sabiex toffri firxa usa' ta' prodotti u servizzi li tmur lil hinn mil-livell lokali, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp; |
Dwar it-titjib tal-għarfien biex tiżdied il-kompetittività
18. |
jappoġġja l-użu tal-għodod tal-IT u tal-innovazzjoni bħala mezz biex tittejjeb il-viżibbiltà tar-reġjuni kostali u marittimi u jitlob li l-Kummissjoni ttejjeb is-sezzjoni dwar it-turiżmu tal-Atlas Ewropew tal-Ibħra sabiex iżżid l-għarfien dwar ir-reġjuni kostali u marittimi, il-valuri tagħhom u l-attrattività tagħhom kemm għat-turisti u għal reġjuni oħra; |
Dwar il-forza tax-xogħol, il-ħiliet u l-innovazzjoni
19. |
jirrikonoxxi l-isfidi li s-settur tat-turiżmu jiffaċċja sabiex joħloq impjiegi sostenibbli, iżid il-pagi offruti u jattira ħaddiema kkwalifikati; |
20. |
jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fis-settur tat-turiżmu permezz tal-Erasmus Plus u tistabbilixxi programm ta' skambju u taħriġ għar-reġjuni kostali u marittimi, immirat b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, fl-istaġun il-baxx sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali kif ukoll jiġu skambjati eżempji ta' prattika tajba u titrawwem l-intraprenditorija fost din il-forza tax-xogħol; |
21. |
jappoġġja l-iżvilupp ta' clusters fost l-SMEs fis-settur tat-turiżmu bħala mezz biex jiġu provduti servizzi tat-turiżmu komplementari u ta' kwalità (pereżempju servizzi ta' akkomodazzjoni, trasport, rikreazzjoni) u għaldaqstant tiġi provduta firxa aktar diversifikata u kompluta ta' offerti fis-settur tat-turiżmu; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu clusters bħal dawn fost l-intrapriżi lokali permezz tat-twaqqif ta' forums għad-djalogu u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati pubbliċi u privati fil-qasam tat-turiżmu, pjattaformi konġunti li jippreservaw l-identità, l-integrazzjoni u l-immaġni tad-destinazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jipprevedu tipi ta' eżenzjonijiet mit-taxxa u/jew jistabbilixxu inċentivi fiskali għall-SMEs li jingħaqdu fi clusters u jippromovu proġetti; |
22. |
jaqbel mal-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-SMEs li jappoġġjaw il-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli f'oqsma bħas-sigurtà ambjentali u alimentari, il-ġestjoni tal-ilma u l-iskart u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; |
23. |
jinnota li l-proċeduri tal-liċenzjar u l-kwalifiki meħtieġa għall-operaturi tad-dgħajjes rikreattivi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u jinsab imħasseb li dan jista' jxekkel l-iżvilupp tas-settur; jissuġġerrixxi rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tan-navigazzjoni rikreazzjonali u r-rekwiżiti għall-kaptani bħala soluzzjoni u jitlob lill-Kummissjoni tanalizza din il-kwistjoni. Din ir-rakkomandazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni tat-taħriġ u l-ħiliet tista' tiġi estiża għall-persunal li jaħdem fil-marini, li jirċievi taħriġ u jkollu kopertura legali u kundizzjonijiet tax-xogħol li jvarjaw skont l-Istat Membru kkonċernat; |
24. |
iqis li, madankollu, l-valur miżjud tal-korsijiet miftuħa onlajn biex jiġu aġġornati jew orjentati mill-ġdid il-ħiliet fil-qasam kostali u marittimu ma jistgħux jinjoraw il-komponent tal-prattika taċ-ċertifikazzjoni; |
Dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà
25. |
itenni li ż-żoni kostali huma fost l-aktar żoni vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u li l-impatt ta' fenomeni bħal dawn huwa kbir ħafna u jista' jaffettwa b'mod negattiv il-ħajja u l-għajxien ta' komunitajiet kostali u marittimi, b'mod partikolari fil-gżejjer; għaldaqstant jaqbel ma' skema ta' ġestjoni marittima integrata li tippromovi l-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni kostali permezz ta' approċċ li jirrispetta l-limiti tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi; jenfasizza l-każ partikolari tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi fejn il-limitazzjonijiet taż-żoni eżistenti u t-trikkib bejn l-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni kostali jirrikjedu għajnuna akbar mill-fondi tal-UE sabiex jiġu prevenuti riskji bħal dawn, li jistgħu jfixklu l-attivitajiet ekonomiċi. Dan l-appoġġ għandu jiġi garantit b'mod partikolari għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-ġestjoni integrata taż-żoni kostali; |
26. |
sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tat-turiżmu kostali u marittimu f'żoni protetti (pereżempju mogħdijiet għall-mixi) fejn ikun hemm annimali selvaġġi (pereżempju għasafar, mammiferi tal-baħar u klieb il-baħar), jirrakkomanda li jiġi adottat u ppubblikat kodiċi tal-kondotta sabiex jiġu promossi l-benesseri tal-annimali, is-sigurtà tat-turisti u l-bilanċ ambjentali; |
27. |
sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekoturiżmu, jenfasizza l-bżonn li ż-żoni kostali u marittimi protetti bħal dawk tan-Natura 2000 jew tal-OSPAR jiġu identifikati b'mod ċar bħala żoni preferenzjali għal attivitajiet ta' turiżmu sostenibbli (pereżempju osservazzjoni tal-annimali selvaġġi, mogħdijiet għall-mixi); |
28. |
jinnota li, fl-2020, aktar minn wieħed minn kull ħames ċittadini Ewropej ser ikollu aktar minn 65 sena u b'hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta bil-ħidma tagħha dwar il-qasam tat-turiżmu għall-persuni mdaħħlin fl-età, b'mod partikolari billi jiġi appoġġjat it-turiżmu mingħajr ostakli; |
29. |
jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-inizjattivi tagħha mmirati lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex tattirahom lejn l-Ewropa kif ukoll lejn destinazzjonijiet kostali u marittimi Ewropej għall-vaganzi; |
Dwar il-massimizzazzjoni tal-fondi disponibbli tal-UE
30. |
jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar il-fondi tal-UE għat-turiżmu filwaqt li jenfasizza l-bżonn li tiġi ppubbliċizzata b'mod aktar mifrux u ssir magħrufa fir-reġjuni kostali u marittimi; |
31. |
fil-kuntest attwali tan-negozjati tal-programmi operattivi, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, taċċetta l-eliġibbiltà tal-prijoritajiet ta' investiment tar-reġjuni, b'mod partikolari dawk bħall-investiment f'infrastrutturi u l-iżvilupp tagħhom, b'mod partikolari r-riabilitazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' siti storiċi – wirt arkitettoniku ċivili u industrijali – għat-tbaħħir għall-finijiet ta' divertiment jew għal attivitajiet marittimi turistiċi li għandhom effett ta' lieva fil-kuntest tal-istrateġija għat-turiżmu kostali u marittimu; |
32. |
jitlob biex jiġi assigurat l-użu effikaċi u koordinat tar-riżorsi kollha disponibbli, inklużi s-self u l-garanziji tal-Bank Ewropew ta' Investiment immirati lejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-promozzjoni tat-turiżmu marittimu u kostali għall-perijodu 2014-2020, b'mod partikolari fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), tal-Programm Orizzont 2020 u tal-programmi COSME, Ewropa Kreattiva u LIFE +; |
Dwar il-konnettività
33. |
jenfasizza li l-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi u żoni remoti oħra jiddependu ħafna mit-trasport bl-ajru u t-trasport marittimu, li huma stess jiddependu mit-turisti; l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu jistqarru li jkollhom jagħlqu l-intrapriża tagħhom hekk kif is-servizzi tat-trasport jieqfu, filwaqt li l-operaturi tat-trasport jistqarru li jieqfu joperaw minħabba li jagħlqu l-operaturi turistiċi, u dan iwassal għall-ħtieġa li jiġu promossi politiki li jkissru dan iċ-ċirku; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika attwali u d-dipendenza għolja mill-istaġuni fil-qasam tat-turiżmu jkomplu jaggravaw il-problema. Barra minn hekk, peress li 90 % tal-beni u l-prodotti li jintużaw sussegwentement fis-settur turistiku tal-gżejjer jiġu trasportati b'mezzi marittimi u li l-merkanzija tagħmel il-qligħ biss minn lat wieħed, għandhom jiġu promossi politiki ta' għajnuna biex tinstab soluzzjoni għal dan l-iżbilanċ; |
34. |
f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, li jiddependu kważi esklużivament mit-trasport bl-ajru, mhux biss biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tat-turisti iżda wkoll għall-attivitajiet ekonomiċi li minnhom jiddependi l-iżvilupp tagħhom u li mbagħad jista' jkun ta' benefiċċju għas-settur tat-turiżmu (pereżempju, ma jistgħux jiżdiedu t-taxxi fuq l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industrija tal-avjazzjoni mingħajr ma jittieħdu miżuri ta' xort'oħra fil-gżejjer peress li għal dawn ir-reġjuni t-traffiku tal-ajru huwa suq magħluq); fatturi bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati fid-diskussjonijiet dwar l-Ajru Uniku Ewropew u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-kumpaniji tal-ajru, u billi jiġi permess il-finanzjament tal-FEŻR għall-investiment fl-infrastrutturi tal-ajruporti. |
Bl-istess mod, fil-każ tal-gżejjer li jinsabu qrib il-kosta, għandhom jiġu promossi konnessjonijiet bil-lanċa lejn l-art prinċipali u gżejjer oħra;
35. |
jitlob ukoll li, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet uniċi li jikkaratterizzawhom (jiġifieri d-distanzi kbar u l-iżolament minn territorji oħra Ewropej) fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej li jikkontribwixxu għall-konnettività esterna ta' dawn ir-reġjuni, billi dawn il-politiki jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom; |
36. |
jiddeplora l-fatt li ħafna reġjuni kostali mhumiex konnessi tajjeb mal-pajjiż intern tagħhom u r-reġjuni u l-pajjiżi fil-viċinat; jitlob li ssir riflessjoni strateġika dwar il-konnettività intermodali bejn iċ-ċentri tat-trasport (jiġifieri l-ajruporti, l-istazzjonijiet tal-ferroviji, il-portijiet) kif ukoll ma' pajjiżi ġirien sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jidħlu u jduru madwar baċiri differenti tal-baħar b'aktar faċilità; |
Dwar il-komunitajiet lokali, il-wirt, l-identità u l-ikel tagħhom
37. |
itenni li t-turiżmu kostali u marittimu għandu jkun ta' benefiċċju għall-komunitajiet kostali lokali u għaldaqstant huwa favur miżuri speċifiċi li jippromovu r-reklutaġġ lokali, l-użu ta' prodotti lokali u l-iżvilupp tas-sistemi lokali tal-ikel; iqis li impenn bħal dan ta' azzjoni fil-livell lokali ser itejjeb l-effiċjenza tal-offerti tat-turiżmu kostali u marittimu, isaħħaħ l-impjiegi lokali u joħloq impjiegi fil-biedja sostenibbli, is-sajd u s-servizzi u b'hekk jgħin ukoll biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE dwar il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-iżvilupp rurali; |
38. |
josserva li l-wirt marittimu lokali ma jiġix promoss biżżejjed f'ħafna żoni kostali Ewropej; jenfasizza l-bżonn li l-protezzjoni tal-wirt marittimu u kostali ssir kompatibbli mal-iżviluppi kummerċjali jew ekonomiċi bħat-tqegħid tal-kejbils jew il-pajpijiet, l-ipprospettar u l-ġbir taż-żejt u tal-gass, il-minjieri tal-faħam jew tal-minerali, l-estrazzjoni tar-ramel jew iż-żrar u r-rimi tal-iskart jew il-fdalijiet; iqis li l-vapuri mgħarrqa, il-fdalijiet taħt l-ilma, il-bastimenti u l-installazzjonijiet portwarji storiċi, il-kummerċ u t-tradizzjonijiet tas-sajd tradizzjonali u snajja' oħra relatati (tarzni tradizzjonali, xogħol ta' xbieki, l-ippreservar tal-ikel, eċċ.) għandhom ikunu l-enfasi tal-attrazzjonijiet turistiċi lokali; |
39. |
jenfasizza l-potenzjal mhux sfruttat tat-turiżmu tas-sajd u jqis li dan jista' joffri benefiċċji konsiderevoli għall-komunitajiet kostali, billi jagħmel l-attivitajiet tas-sajd profittabbli, jippreserva t-tradizzjonijiet lokali tas-sajd u jiddiversifika s-sorsi ta' dħul lokali; |
40. |
jaqbel li, f'każijiet fejn il-flotot jużaw metodi selettivi u tradizzjonali ta' sajd l-investimenti meħtieġa għall-promozzjoni tat-turiżmu tas-sajd għandhom jiġu appoġġjati u meqjusa mill-UE bħala attività komplementari għas-sajd kummerċjali, li jippromovu dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd; jistieden lill-Istati u lir-reġjuni biex, flimkien mal-oqsma tas-sajd, tat-turiżmu u partijiet interessati oħra, jegħlbu l-ostakli legali u amministrattivi li jista' jkun hemm għall-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd; |
41. |
jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kollaborazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u ttejjeb il-komunikazzjoni dwar ir-rotot kulturali eżistenti u ġodda mal-kosta Ewropea u l-promozzjoni tagħhom; |
42. |
jappoġġja l-ħolqien ta' Federazzjoni ta' Uffiċċji jew Aġenziji Turistiċi tar-Reġjuni Kostali u Marittimi li jservu ta' pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-iskambji bejn il-korpi professjonali tar-reġjuni kostali u marittimi kif ukoll jgħinu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni intiżi għall-promozzjoni ta' dawn ir-reġjuni; |
Dwar is-settur tal-kruċieri
43. |
iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw f'djalogu kostruttiv mal-industrija tal-kruċieri biex tiġi żgurata provvista lokali ta' prodotti għal dawn il-bastimenti u biex jipprovaw jaqbdu parti ikbar min-nefqa tal-passiġġieri billi joħolqu żoni ta' akkoljenza aktar attraenti fit-terminals tal-kruċieri jew viċin tagħhom bi ħwienet, bars, restawranti u l-aġenti turistiċi lokali jkunu jistgħu joffru vjaġġi mingħajr diffikultajiet u konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà lejn attrazzjonijiet fil-viċin; |
44. |
iqis li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu lill-operaturi kummerċjali lokali biex jippromovu aħjar u jirreklamaw l-offerti tagħhom, filwaqt li jiżguraw li jkun hemm informazzjoni dwar l-attrazzjonijiet lokali disponibli b'lingwi differenti u li jiġu żgurati s-sigurtà u l-kumdità tal-vjaġġaturi. L-attività tal-forniment tal-bastimenti u tal-organizzazzjoni tal-prodott fil-portijiet ta' destinazzjoni hija marbuta mal-attività tal-aġenti marittimi li magħhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jridu jikkollaboraw sabiex jiġi promoss l-użu tal-prodott u l-attivitajiet komplementari lokali; |
45. |
josserva li l-bastimenti kbar tal-kruċieri jġibu folol konsiderevoli lejn kwalunkwe destinazzjoni li jista' joħloq sfida għat-trasport tat-turisti kollha li jiżbarkaw; jilqa' l-iżvilupp tall-proġetti ta' ppjanar u tfassil ta' trasport integrat sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi li jiġu en masse mingħajr ma jkun hemm xkiel għall-popolazzjonijiet lokali; |
Dwar il-marini u l-isport nawtiku
46. |
jirrikonoxxi l-popolarità dejjem tikber tal-isport u l-attivitajiet nawtiċi u jilqa' l-fatt li sikwit jiġu organizzati u mwettqa minn kumpaniji lokali żgħar; huwa tal-opinjoni li l-istandards komuni Ewropej f'dan il-qasam jistgħu jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi u jtejbu s-sigurtà; |
47. |
jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-ħtieġa għal qafas komuni għall-iżvilupp ta' infrastruttura tal-marina; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-fatt li hemm madwar 4 500 port ta' dgħajjes rikreazzjonali fl-Ewropa u l-popolarità dejjem tikber tat-tbaħħir bil-jottijiet, tippromovi studju dwar standards komuni li jindirizza b'mod partikolari kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċessibbiltà għan-nies b'mobbiltà mnaqqsa, standards tas-sigurtà jew il-kapaċità ta' ġarr tal-portijiet ta' divertiment; |
48. |
jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jospitaw marini biex jiżviluppaw strateġiji flimkien mal-partijiet interessati lokali u l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu sabiex il-portijiet tagħhom ikunu konnessi aħjar mar-reġjun kollu, u b'hekk il-baħħara jitħeġġu jesploraw l-art lil hinn mill-port u jiskopru l-wirt tagħha. B'dan il-mod jiġi promoss speċifikament it-turiżmu nawtiku u marittimu permezz, pereżempju, tal-klabbs nawtiċi, il-marini u l-lokalitajiet nawtiċi. |
Brussell, 7 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Ara COM(2014) 86, nota 4 f'qiegħ il-paġna.
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/14 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta’ bejn l-2020 u l-2030
2014/C 415/04
Relatur |
Is-Sinjura Jaeger (FR/PSE), Kunsillier Reġjonali tal-Provence-Alpes Côte d’Azur |
Dokument ta’ referenza |
Ittra ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Frar 2014 |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
f’mument fejn l-aħħar data xjentifika tal-IPCC twissina dwar id-deterjorament tat-tisħin tal-klima u l-impatti tiegħu u fil-kuntest tar-rapport preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni (CDR 5810/2013),
1. |
jitlob lill-UE tagħżel sett rebbieħ ta’ tliet għanijiet vinkolanti relatati mal-klima u l-enerġija sal-2030:
Dawn it-tliet għanijiet huma meħtieġa biex ikollna l-opportunità nevitaw tisħin katastrofiku ta’ aktar minn 2 oC u biex niksbu l-għan fit-tul tal-UE (tnaqqis ta’ 80 sa 95 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra); |
2. |
ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014 fejn il-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern ftehmu li sa Ottubru 2014 jadottaw deċiżjoni dwar qafas ta’ politika ġdid. Il-KtR jistenna li din id-deċiżjoni tinkludi miri ambizzjużi; f’dan il-kuntest jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ ambizzjoni fil-proposti li tressqu s’issa mill-Kummissjoni Ewropea: li huma dgħajfin wisq fir-rigward tal-perċentwali proposti f’termini ta’ obbligu biex jintlaħqu biss fil-livell tal-UE, u b’rabta mal-istruttura ta’ governanza proposta; |
3. |
iqis li dawn it-tliet għanijiet huma teknikament realistiċi u jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija Ewropea; dawn jiddeterminaw viżjoni strutturali fit-tul li tippermetti li l-Ewropa jkollha futur ta’ enerġija sostenibbli, ċert u sigur; |
4. |
iżid li l-UE għandha tadotta għan ta’ emissjonijiet netti li joqorbu lejn iż-żero sa nofs is-seklu, filwaqt li tiżgura li ma jiżdiedx il-faqar enerġetiku. Apparti l-bżonn ta’ tnaqqis kontinwu tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għandhom jiġu promossi iżjed ukoll sforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp għall-eliminazzjoni tas-CO2 mill-atmosfera u għandha tingħata prijorità lit-tisħiħ tar-rwol tal-qbid naturali tas-CO2; |
5. |
jinnota li l-UE, b’saħħitha b’dawn l-għanijiet iddikjarati, tkun imbagħad lesta li tinnegozja ftehim globali dwar il-klima fid-dawl tal-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) matul il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li ser issir f’Pariġi f’Novembru-Diċembru 2015, partikolarment billi tħabbar l-intenzjonijiet tagħha li tagħti “kontributi nazzjonali”, f’isem l-UNFCCC, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu 2015; |
A. Governanza
6. |
jirrakkomanda li dan il-qafas propost ġdid ta’ governanza tal-enerġija jibni fuq it-tagħlimiet mill-pakkett għall-2020, speċifikament billi jiġu stabbiliti miri vinkolanti fil-livell tal-UE u nazzjonali li għalihom ikunu responsabbli l-Istati Membri; għaldaqstant jemmen li l-approċċ kooperattiv propost li fih miri stabbiliti fil-livell tal-UE biss mhux ser jipprovdi l-inċentivi meħtieġa biex jintlaħqu dawn il-miri u jinkisbu riżultati aktar ambizzjużi; |
7. |
jemmen li huwa assolutament neċessarju li l-għanijiet nazzjonali għaż-żieda tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jiġu stabbiliti b’mod vinkolanti għal kull Stat Membru u għal dan il-għan, il-pajjiżi għandhom jibbażaw l-approċċ tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta’ strateġiji reġjonali u lokali. Dan għandu jkun mhux biss aktar effettiv iżda wkoll konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-istruttura għandha tinstab fil-qafas il-ġdid ta’ governanza enerġetika; |
8. |
jisħaq li l-PAK il-ġdida tista’ taqdi rwol fundamentali kemm fit-tnaqqis tal-gassijiet serra kif ukoll fil-promozzjoni tas-sekwestru tal-karbonju fis-setturi agrarji, forestali u tat-trobbija tal-bhejjem; |
9. |
jenfasizza r-rwol fundamentali tal-livell lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mat-tibdil fil-klima, mal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżda jenfasizza wkoll li l-azzjoni tagħhom ma tistax tkun ottimali mingħajr rikonoxximent fil-forma ta’ mandat u riżorsi finanzjarji fit-tul; |
10. |
għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi u tuża l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima u l-enerġija, tinkludihom fil-qafas ta’ politika għall-2030 u tinkorporahom f’governanza ġdida tal-enerġija skont il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli li tirrikonoxxi r-rwol ta’ kull livell ta’ governanza biex ikun hemm politiki pubbliċi effikaċi; |
11. |
fl-aħħar nett jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex janalizzaw aktar l-isfida tal-klima billi jistabbilixxu l-għanijiet ambizzjużi tagħhom għall-2030 u joħolqu inizjattivi fid-dawl tal-COP21 f’Diċembru 2015, f’Pariġi. Dan b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-COP19 ta’ Varsavja f’Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkiseb ftehim globali; |
B. Tliet għanijiet inseparabbli
12. |
jinsisti fuq il-fatt li, jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-gassijiet effett serra huwa essenzjali biex jingħata sinjal ċar li jippermetti li l-ispejjeż kollha tat-tniġġis jiġu internalizzati u għalhekk jitbaxxew il-livelli tagħhom, huwa daqstant essenzjali li dan l-għan jiġi kkomplementat minn għanijiet dwar l-enerġija rinnovabbli u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tal-enerġija effettivament twassal għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju li tkun sigura, kompetittiva u sostenibbli u li jkollha effett sinerġetiku fuq it-tibdil fil-klima; |
13. |
jinsisti li hemm bżonn miri vinkolanti li jgħinu jidderieġu l-investiment lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa. Barra minn hekk, hemm bżonn urġenti li l-investituri f’teknoloġiji b’użu baxx ta’ karbonju jingħataw ċertezza legali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-eżistenza ta’ qafas legali ċar u stabbli biex jilqa’ għall-arbitrarjetà u jipprevjeni r-retroattività ta’ dispożizzjonijiet ġodda fir-regolamenti; |
14. |
ifakkar li jeħtieġ tinkiseb kondiviżjoni ġusta tal-ispejjeż bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet u jitqiesu l-ħtiġiet tal-ippjanar tat-territorju u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, mingħajr ma ċerti reġjuni u bliet jinżammu milli jinvolvu ruħhom aktar qabel jekk ikunu jixtiequ dan; |
15. |
jenfasizza li, matul it-tfassil tal-politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, hemm bżonn li tittieħed nota tal-bżonn li l-kont tal-enerġija jinżamm f’livell raġonevoli u li għal dan il-għan, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija strument ewlieni billi din tippermetti lill-konsumaturi u lill-Istati Membri tal-UE jiffrankaw aktar minn EUR 200 biljun kull sena sal-2030 (1); iqis ukoll li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rrakkomandati jadottaw miżuri speċifiċi għall-familji u l-konsumaturi vulnerabbli fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku. Wieħed mill-mezzi prijoritarji biex tittejjeb l-effikaċja enerġetika jrid ikun ir-rinnovazzjoni tal-bini, li ssir sors importanti ta’ ħolqien ta’ impjiegi fis-settur li jkollha impatt kemm fil-livell soċjali kif ukoll dak tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, dan joffri l-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-materjali effikaċi mil-lat enerġetiku u minn sorsi bijoloġiċi, li jwassal għal investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni. Għalhekk, għandhom jinħolqu fondi speċifiċi fil-livell Ewropew biex titħeġġeġ ir-rinnovazzjoni tal-bini b’mod li jagħmel użu iżjed effiċjenti mill-enerġija; |
C. L-indipendenza fl-enerġija tal-Ewropa
16. |
ifakkar li l-Ewropa hija l-akbar importatur tal-enerġija, u jqis li għanijiet Ewropej aktar ambizzjużi biex jinkiseb iffrankar fl-użu tal-enerġija sal-2030 u fl-istess ħin jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli jnaqqsu b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tal-enerġija tal-Ewropa u jsaħħu l-indipendenza fl-enerġija tagħha; |
17. |
wieħed mill-mezzi prinċipali għat-titjib tal-effikaċja fl-użu tal-enerġija għandu jkun ir-rinnovazzjoni tal-binjiet, filwaqt li jinbnew djar effiċjenti. Madankollu, ma jkunx tajjeb li d-deċiżjonijiet rilevanti dwar kwistjonijiet speċifiċi jibbażaw fuq perspettiva uniformi: l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-livell xieraq fejn dawn id-deċiżjonijiet konkreti jistgħu jittieħdu. Dan għandu jgħin biex jinħoloq livell ta’ impjieg sinifikanti f’settur sensittiv kemm fil-livell soċjali kif ukoll f’dak tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, dan joffri l-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-materjali effikaċi mil-lat enerġetiku u tal-użu ta’ sorsi bijoloġiċi, li jwassal għal investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; |
18. |
jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli jistgħu jipprovdu kważi nofs il-konsum tal-enerġija fl-Ewropa fl-2030 (Sors: l-Istitut Fraunhofer (2) u ċ-Ċentru Aerospazjali Ġermaniż (3)); |
19. |
jenfasizza l-importanza tal-potenzjal tal-iffrankar fl-enerġija, li huwa l-akbar għal dawk il-pajjiżi tal-UE li jiddependu l-aktar fuq l-importazzjonijiet taż-żejt u l-gass. Investiment fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-UE sal-2030 jippermetti li l-UE tnaqqas b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet Ewropej tal-enerġija u b’hekk titjieb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE, kif ukoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, aktar effiċjenti, siguri, li ma jaħlux u li joħolqu l-impjiegi; |
20. |
jemmen ukoll li l-indipendenza tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-UE jistgħu jissaħħu billi jintużaw ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli lokali kollha, is-suq uniku tal-enerġija jiġi żviluppat aktar, bl-użu, pereżempju, tal-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira mill-konsumaturi nnifishom, tal-interkonnessjonijiet ġodda, tal-ħżin tal-enerġija u tan-netwerks intelliġenti u għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jintalbu jadottaw leġislazzjoni biex dan iseħħ. Huwa jenfasizza li d-diversità tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli taġixxi bħala buffer kontra l-flutwazzjonijiet fil-prezzijiet, tagħmel is-sistema tal-enerġija inqas vulnerabbli u tevita tfixkil tal-provvista; |
21. |
jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tibdil tal-infrastrutturi tal-enerġija billi jittejbu l-interkonnessjonijiet transkonfinali, u dan huwa partikolarment urġenti f’dawk l-Istati li għadhom l-aktar lura milli jilħqu l-għan diġà miftiehem, jiġifieri li jiġi garantit livell ta’ interkonnessjonijiet elettriċi ta’ 10 % jew aktar tal-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom; |
D. Ir-riforma strutturali tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet
22. |
jilqa’ b’mod pożittiv il-“posponiment” tat-titjib tal-funzjonament tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, iżda huwa tal-fehma li hemm bżonn li ssir riforma strutturali; f’dan il-kuntest jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tinħoloq ukoll “riżerva ta’ stabbiltà tas-suq” li, madankollu, għandha tidħol fis-seħħ ħafna qabel l-2020; iqis li huwa essenzjali li r-riżerva ta’ stabbiltà tkun akkumpanjata minn miżuri oħrajn bħat-tneħħija permanenti ta’ permessi żejda għall-emissjonijiet u l-ħolqien ta’ prezz minimu; |
23. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrestrinġi l-użu tax-xiri ta’ krediti internazzjonali għall-kumpens tal-karbonju. Dawn il-krediti ma jħeġġux it-tnedija ta’ bidliet strutturali li għandhom jinħolqu fl-UE, u lanqas ma jwasslu għal investimenti fit-territorju. Huwa jappella wkoll għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex jiffaċilita l-ħażna tal-karbonju fil-foresti ġestiti b’mod sostenibbli; |
24. |
huwa tal-fehma li porzjon mill-qligħ mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jmur f’miżuri fil-livell lokali u reġjonali; |
25. |
jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati strumenti komuni oħra għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bħall-ekodisinn u l-akkwist pubbliku. It-taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju hija strument effettiv li hemm marbuta magħha esperjenzi tajbin li ta’ min jibni fuqhom; |
E. L-importanza tal-produzzjoni lokali
26. |
iqis li l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fuq skala żgħira mill-konsumaturi nnifishom għandha tkun parti mis-soluzzjonijiet imħeġġa minn Ewropa futura tal-enerġija, li tippermetti li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea fil-konfront tal-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom jintalbu jwaqqfu leġislazzjoni biex dan jinkiseb; |
27. |
huwa tal-fehma li kooperattivi maħluqa miċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali sabiex tiġi promossal-enerġija rinnovabbli jeħtieġu attenzjoni speċjali, l-ewwel nett peress li huma fornituri addizzjonali tal-enerġija u t-tieni nett peress li jaqdu rwol edukattiv sinifikanti sabiex jikkonsolidaw l-għarfien ta’ użu razzjonali tal-enerġija; |
28. |
jinnota li, għall-istess spiża, iċ-ċittadini għandhom l-interess li l-awtoritajiet l-aktar viċin jgħinuhom mill-aħjar li jistgħu fil-problemi tagħhom relatati mal-enerġija u li jiżviluppaw soluzzjonijiet lokali ta’ produzzjoni tal-enerġija minħabba ż-żieda fil-prezzijiet fis-swieq globali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala s-sidien tal-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-energija, għandhom ukoll jaqdu rwol akbar fl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli; |
29. |
ifakkar fil-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn, minn naħa, il-liġi tal-kompetizzjoni fil-livell tal-UE, li għaliha l-UE għandha kompetenza esklużiva, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji fundamentali tal-politika tal-enerġija tagħha li tipprevedi responsabbiltà konġunta bejn l-UE u l-Istati Membri, bl-obbligu li jiġi rispettat ir-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari tal-aġenziji lokali u reġjonali tal-enerġija; |
E. Il-livell lokali u reġjonali jinsab quddiem sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-klima u l-enerġija
30. |
jenfasizza li, kif muri minn diversi fenomeni klimatiċi estremi reċenti, huma l-awtoritajiet lokali li jġorru l-piż tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ azzjoni u ser ikollhom iħallsu l-prezz tal-konsegwenzi futuri jekk ma tiġix aċċellerata t-tranżizzjoni enerġetika; |
31. |
jinnota li l-UNDP (4) temmen li l-awtoritajiet lokali jieħdu aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % tal-miżuri għall-adattament għat-tibdil fil-klima; |
32. |
ifakkar li l-Unjoni Ewropea għandha strateġija ta’ adattament u li huma r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali li ser jiffaċċjaw l-isfidi prinċipali tal-adattament għat-tibdil fil-klima fid-deċenji li ġejjin. Peress li din l-Istrateġija ser tiġi riveduta għall-perjodu wara l-2020, jeħtieġ li jiġu applikati sforzi konsiderevoli fir-reġjuni u fil-bliet biex jinbdew il-programm ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, u billi jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea; |
33. |
jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma viċin taċ-ċittadini, jistgħu jgħinu jinfurmaw u jżidu l-għarfien dwar il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali tal-miżuri relatati mat-tranżizzjoni enerġetika; |
34. |
jenfasizza l-bżonn li l-qafas ta’ politika għall-2030 jiġi bbażat fuq l-inizjattivi tal-UE fil-livell lokali u jsaħħaħhom, pereżempju l-Patt tas-Sindki tal-UE (li nixtiequ li jiġi estiż sal-2030), Mayors Adapt u proġetti oħrajn b’fondi tal-UE; jitlob, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura koerenza u sinerġiji ta’ politika bejn l-inizjattivi differenti kif ukoll li tinvolvi lill-KtR fit-tfassil u l-implimentazzjoni kif adatt. Jeħtieġ li l-bliet u ż-żoni rurali jingħataw aċċess għal dawn il-possibbiltajiet offruti mill-UE; |
35. |
jinsisti li jkun utli li biex jimxu aktar ‘il quddiem l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu għanijiet kwantitattivi speċifiċi għall-2030 b’rabta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet, mal-enerġiji rinnovabbli u mal-iffrankar tal-enerġija, appoġġjati minn strateġiji lokali u reġjonali adegwati sabiex tiġi aċċellerata d-dinamika ġġenerata mit-territorji. Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu stabbiliti b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ u l-estensjoni tal-Patt tas-Sindki li trid tiġġedded lil hinn mill-2020; |
36. |
jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposti sabiex jiġu ffinanzjati miżuri relatati mat-tranżizzjoni enerġetika, prinċipalment permezz tal-BEI, li jista’ jappoġġja l-istrutturi finanzjarji lokali eżistenti jew futuri b’addizzjoni għall-fondi Ewropej previsti għall-2014-2020 (Life+Clima, Fondi Strutturali, Orizzont 2020, il-Faċilita Nikkollegaw l-Ewropa, eċċ.); |
37. |
jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, abbażi ta’ din l-Opinjoni, sabiex jagħqdu l-forzi tagħhom f’mobilizzazzjoni konġunta sabiex isemmgħu leħinhom, qabel u matul il-COP21, li hija punt ta’ stadju importanti peress li hija s-Summit dwar il-Klima organizzata mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti nhar it-23 ta’ Settembru fi New York. |
Brussell, 8 ta’ Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Ecofys, Frar 2013: Saving energy: bringing down Europe’s energy prices for 2020 and beyond
(2) Istitut Fraunhofer, Mejju 2011: Long Term Potentials and Costs of RES.
(3) Greenpeace, 24 ta’ Ottubru 2012: EU-27 Energy [R]evolution; WWF, 6 ta’ Novembru 2013: Renewable energy: a 2030 scenario for the EU.
(4) Rapport tal-UNPD Charting a new low-carbon route to development: A primer on integrated climate change planning for regional governments (2009).
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/18 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi
2014/C 415/05
Relatur |
Is-Sur Keymer (UK/KRE), Membru tal-Kunsill Distrettwali ta' Tandridge |
Dokument ta' referenza |
|
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
introduzzjoni
1. |
jenfasizza l-importanza tar-reġjuni tal-UE bi sfidi ġeografiċi u demografiċi, inklużi dawk imsemmija fl-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE, li llum qed jiffaċċjaw diffikultajiet akbar meta jipprovdu t-trasport lokali; |
2. |
jinnota li reġjuni bħal dawn, imsejħa “reġjuni bi sfidi” f'din l-Opinjoni, jinkludu: reġjuni konfinali; reġjuni muntanjużi, reġjuni insulari, reġjuni b'popolazzjoni baxxa (inklużi r-reġjuni l-iktar imbiegħda fit-Tramuntana) (l-Artikolu 174 tat-TFUE); id-disa' reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (l-Artikolu 349 tat-TFUE); u kull reġjun ieħor tal-UE li jiffaċċja sfidi simili. Barra minn hekk, hemm reġjuni b'popolazzjoni mxerrda ħafna; |
3. |
iqis li l-isfidi fir-rigward tat-trasport pubbliku f'reġjuni bħal dawn jistgħu jinkludu: iż-żieda fl-ispejjeż u l-finanzjament meħtieġ għall-provvista tas-servizzi; tibdil demografiku: depopolazzjoni; tixjiħ tal-popolazzjoni li jifdal u t-tixrid tal-popolazzjoni; domanda tal-konsumatur bi flutwazzjonijiet għal servizzi ta' trasport pubbliku. It-tnaqqis fit-ritmu ekonomiku jidher ukoll f'uħud minn dawn ir-reġjuni; barra minn hekk, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, hemm ukoll il-bogħod, l-iżolament u d-dipendenza estrema ċara minn sistema tat-trasport effettiva; |
4. |
iqis li l-mobilità, il-kapaċità li nimxu faċilment minn post għall-ieħor, hija fuq kollox dritt marbut mal-moviment liberu tal-persuni rikonoxxut fit-Trattati, kif ukoll prerekwiżit għall-kwalità tal-ħajja tal-individwi fit-tali reġjuni meta huma jkunu jixtiequ jiksbu servizzi pubbliċi essenzjali (bħalma huma s-servizzi tal-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali), jivvjaġġaw lejn il-post tax-xogħol tagħhom jew ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, isegwu attivitajiet ta' divertiment, iżuru qraba, jixtru oġġetti u servizzi, jew jeżerċitaw il-libertà li jivvjaġġaw aktar 'il bogħod; |
5. |
jenfasizza li s-sistemi ta' trasport pubbliku marittimu, bit-triq u bil-ferrovija li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet bażiċi ta' mobilità huma, f'ħafna każijiet, proprjetà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali jew ġestiti minnhom. Hemm ukoll għadd sinifikanti ta' awtoritajiet lokali u reġjonali li huma sidien jew sidien parzjali ta' ajruporti reġjonali; |
6. |
jinnota li l-Artikolu 174 tat-TFUE jgħid li “għandha tingħata attenzjoni partikolari” lil ċerti reġjuni, u li l-Artikolu 349 tat-TFUE jgħid li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jibbenefikaw minn “miżuri speċifiċi” fit-tfassil tal-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali. Filwaqt li r-regolamenti għall-ESIF għall-2014-20 iqisu sa ċertu punt ir-reġjuni żvantaġġati, għandu jsir użu aħjar mid-dispożizzjonijiet attwali tal-politiki tal-UE f'oqsma oħrajn li jaffettwaw it-trasport sabiex jirriflettu aħjar l-impenji tat-Trattat; |
7. |
iqis li waħda mir-raġunijiet għal dan hija x'aktarx li l-Artikolu 174 TFUE ma jispeċifikax id-daqs tar-'reġjun' konċernat. Xi gvernijiet jinterpretaw dan l-Artikolu fuq il-livell 2 tan-NUTS, filwaqt li xogħol ta' riċerka tal-Kummissjoni u partijiet oħra interessati ssuġġerew NUTS 3 bħala wieħed adatt. Il-KtR jemmen li, fil-kuntest tal-promozzjoni tal-mobilità (pjuttost milli għal skopijiet tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF)), ikun xieraq li jitqies kull daqs ta' reġjun bi sfidi, inklużi dawk fil-livell 3 tan-NUTS u 'l isfel minnu; |
It-trasport u l-iżvilupp reġjonali f'reġjuni bi sfidi
8. |
jinnota li r-reġjuni bi sfidi jaqdu kompiti essenzjali għall-iżvilupp ibbilanċjat tal-UE notevolment permezz ta' aċċess għall-materja prima, l-agrikoltura, is-sajd, il-protezzjoni ambjentali, it-turiżmu, ir-relazzjonijiet transkonfinali u l-opportunitajiet ta' rikreazzjoni. Konnessjonijiet tat-trasport imtejba kemm ġewwa dawn ir-reġjuni kif ukoll mal-bqija tal-UE għalhekk għandhom ikunu element essenzjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u tal-politiki ta' mobilità tal-UE: dan ma japplikax biss għall-mobilità tal-persuni, iżda għal dik tal-merkanzija wkoll. Il-promozzjoni ta' aktar tkabbir ekonomiku fir-reġjuni bi sfidi se jikkontribwixxi għat-tħaddim effettiv tas-suq intern u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni kollha kemm hi; |
9. |
jemmen li jeħtieġ li jiġi analizzat l-impatt fuq il-progress tal-mudelli ta' żvilupp ekonomiku u territorjali ta' dawn ir-reġjuni u, għaldaqstant, fuq l-impjieg attwali u futur li jħallu l-isfidi fil-mobilità li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni. Il-bogħod u l-iżolament ta' wħud minn dawn ir-reġjuni jagħmlu hekk li s-swieq tagħhom huma żgħar u ftit li xejn attraenti, u għalhekk ma jkunux kapaċi jiġġeneraw postijiet tax-xogħol biżżejjed. Barra minn hekk, id-diffikultajiet fil-mobilità tal-forza tax-xogħol li jiffaċċjaw iċ-ċittadini ta' dawn ir-reġjuni jillimitawhom għaż-żona ġeografika tagħhom, u b'hekk togħla r-rata tal-qgħad; |
10. |
għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni ta' objettiv tematiku speċifiku dwar it-'trasport sostenibbli' u d-diversi għanijiet tematiċi oħrajn li jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-promozzjoni tal-mobilità fil-programm tal-ESIF 2014-20; |
11. |
bl-istess mod jilqa' l-possibilità ta' modulazzjoni tar-rati ta' kofinanzjament tal-ESIF biex jitqiesu żoni bi “żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti” (l-Artikolu 121 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni) u l-possibilità taħt l-FEŻR li tingħata “allokazzjoni addizzjonali speċifika” lir-reġjuni ultraperifierċi u r-reġjuni l-aktar imbiegħda fit-Tramuntana u li jiġu eżentati mir-rekwiżit ta' konċentrazzjoni tematika (l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-FEŻR); |
12. |
jenfasizza l-importanza tal-ESIF għall-promozzjoni tal-mobilità sostenibbli fir-reġjuni kollha Ewropej. Madankollu, jiddispjaċih li anke jekk ir-regoli jippermettu dan fir-reġjuni kollha, il-finanzjament tal-Objettiv Tematiku 7 dwar it-tħeġġiġ tat-trasport sostenibbli u t-tneħħija tal-ostakli tal-infrastrutturi tan-netwerks essenzjali jista' jkun diffiċli fl-iktar reġjuni għonja minħabba l-viżjoni restrittiva tal-Kummissjoni Ewropea f'dan il-qasam matul in-negozjati bilaterali dwar il-programmi operattivi futuri; |
13. |
jitlob għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet maniġerjali tal-fondi tal-ESIF jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti ta' mobilità tar-reġjuni kollha bi sfidi, u li jikkunsidrawhom huma u jħejju l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi implimentati mill-ESIF; |
14. |
jemmen li fondi oħra tal-UE, finanzjament mill-Bank Ewropew għall-Investiment u finanzjament mis-settur privat, jista' jkollhom rwol ta' appoġġ aktar b'saħħtu. Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali fl-ESIF (u l-allinjament tagħha permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni) kif ukoll l-importanza tal-monitoraġġ tal-impatti territorjali ta' fondi tematiċi bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-programm tat-TEN-T, kif ukoll il-programm Orizzont 2020 u l-programm CIVITAS assoċjat magħhom. Il-programmi ffinanzjati minn dawn il-fondi ma jagħtux prijorità lill-mobilità f'reġjuni żvantaġġati u għalhekk huwa f'idejn il-livelli kollha tal-gvern biex ilaqqgħu flimkien dawn il-fondi differenti b'mod aktar koordinat u innovattiv fil-prattika; |
15. |
jinnota l-impenn tal-UE, pereżempju, li tuża l-finanzjament tat-TEN-T biex tippromwovi l-aċċessibbiltà u l-konnettività tar-reġjuni kollha tal-Unjoni, inklużi reġjuni remoti, ultraperiferiċi, insulari, periferiċi u reġjuni muntanjużi, kif ukoll żoni li fihom ma tantx jgħixu persuni (l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1315/2013); |
16. |
josserva madankollu li 95 % tal-flus tat-TEN-T, kif iffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) jintefqu esklużivament fuq in-netwerk ewlieni. Dan isaħħaħ lill-qalba tal-Ewropa u n-netwerk sfiq tagħha ta' bliet kbar. Azzjonijiet speċifiċi addizzjonali għandhom jittieħdu wkoll biex jiżguraw li l-effetti pożittivi ta' titjib fit-TEN-T jibbenefikaw ukoll il-konnettività lokali f'reġjuni bi sfidi, filwaqt li jitħeġġeġ l-aċċess ta' dawn ir-reġjuni għall-kurituri prinċipali nazzjonali u Ewropej tat-trasport; |
17. |
jisħaq għalhekk dwar il-ħtieġa li jiġu finanzjati l-interkonnessjonijiet bejn in-netwerk ewlieni u dak komprensiv tat-TEN-T, u bejn in-netwerk komprensiv u l-konnessjonijiet tat-trasport lokali f'reġjuni bi sfidi. Barra minn hekk, il-baġit għas-CEF għandu jiżdied bħala parti mir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex jiġu finanzjati interkonnessjonijiet transkonfinali u ostakli fin-netwerk ewlieni tat-TEN-T. Dan se jgħin jintegra r-reġjuni Ewropej kollha f'sistema tat-trasport Ewropew sostenibbli u effettiva għall-passiġġieri u l-merkanzija. Minħabba li l-indirizzar tad-disparitajiet fl-iżvilupp huwa għan tal-programm TEN-T, il-ħtiġijiet ta' reġjuni bi sfidi marbutin mal-implimentazzjoni tal-mudelli tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u territorjali għandhom jitqiesu bħala parti mill-eżami ppjanat għall-mapep tat-TEN-T fl-2016/17; |
18. |
jinnota li l-programm Orizzont 2020 u l-programm CIVITAS assoċjat miegħu għal trasport nadif jiffokaw fuq teknoloġija avvanzata tal-vetturi sabiex it-trasport isir iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dawn l-għanijiet huma tassew siewja peress li jikkontribwixxu wkoll biex itejbu t-trasport pubbliku f'reġjuni bi sfidi fejn il-kosteffettività tal-vetturi hija preokkupazzjoni ewlenija; |
19. |
jenfasizza li għaldaqstant jinħtieġu approċċi ġodda għall-iffinanzjar tat-trasport f'reġjuni bi sfidi. Dan jista' jinkludi l-offerta ta' baġits personali tat-trasport liċ-ċittadini, bħal ngħidu aħna 'ċekkijiet ta' mobilità' kif ġew żviluppati b'suċċess f'xi Stati Membri, eżenzjonijiet mit-taxxa għall-fornituri tat-trasport, jew arranġamenti ta' kooperazzjoni li jippermettu li operaturi tat-trasport differenti jużaw l-istess vetturi; |
20. |
jemmen li approċċi ġodda għall-iffinanzjar jeħtieġu wkoll li jiġu sostnuti minn strumenti ġodda. Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI) u ta' ICT imtejba jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu t-trasport pubbliku bbażat fuq l-iskedi ta' żmien jew ir-rotot, u tiddaħħal sistema ta' trasport 'on-demand', bħal karozzi tal-linja, taksis kollettivi jew car sharing li jkunu 'on-call'. Permezz tal-użu tat-trasport 'on-demand' ikun jista' jingħata trasport pubbliku fit-toroq li jkun aktar effiċjenti u kompetittiv u bi prezzijiet orħos peress li s-servizzi jingħataw b'rispons għad-domanda proprja. Is-sistemi ta' trasport kondiviżi, pereżempju, it-taħlit tat-tfal tal-iskola mal-pubbliku, ħadmu tajjeb ukoll f'xi reġjuni remoti, l-istess bħall-promozzjoni tal-mixi u ċ-ċikliżmu. Sistemi bħal dawn iwasslu għall-iffrankar, inaqqsu d-dipendenza mill-użu tal-karozzi u jnaqqsu l-emissjonijiet; |
21. |
jinnota li soluzzjonijiet ta' dan it-tip jistgħu jiġu appoġġjati b'miżuri ta' faċilitazzjoni bħal biljetti elettroniċi integrati jew smartcards li jintużaw fuq mezzi differenti tat-trasport, standards ta' pagamenti elettroniċi li jkunu interkompatibbli, l-integrazzjoni tal-iskedar taż-żmien għal dawk il-partijiet tal-vjaġġi li mhumiex 'on-demand', jew l-użu ta' applikazzjonijiet tas-smartphones biex jipprovdu informazzjoni u possibbiltajiet ta' ħlas ġodda liċ-ċittadini; |
22. |
jinnota li huwa importanti li jiġi żgurat li soluzzjonijiet ġodda ta' mobilità bħal dawn jingħataw pubbliċità kif ukoll jkunu affordabbli, aċċessibbli u aċċettabbli għall-utenti. Il-parteċipazzjoni attiva tal-utenti (eżistenti u potenzjali) fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom tista' tgħin biex jiġi żgurat suċċess; |
23. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu l-ixprun ewlieni għal ħafna minn dawn l-innovazzjonijiet; |
24. |
jenfasizza, madankollu, li tali proġetti ta' mobilità għandhom jibbenefikaw biss minn fondi meta dawn ikunu parti minn politika soda ta' mobilità li tkopri ż-żona kkonċernata u jistgħu jiġu ġustifikati minn stimi tajba ta' domanda potenzjali; |
Portijiet u ajruporti
25. |
jixtieq jenfasizza r-rwol importanti li l-portijiet u l-ajruporti u l-konnessjonijiet tagħhom mal-intern tal-pajjiż, jistgħu jaqdu fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta' reġjuni bi sfidi u sabiex jikkollegaw liċ-ċittadini maċ-ċentri urbani ikbar. Għall-komunitajiet tal-gżejjer, u għar-reġjuni ultraperiferiċi, pereżempju, dawn il-konnessjonijiet huma l-uniċi mezzi ta' trasport possibbli u huma kruċjali għas-sopravivenza tagħhom stess u biex ikunu konnessi, kemm mal-pajjiżi tagħhom, kif ukoll mal-bqija tal-UE. Għaldaqstant, il-portijiet u l-ajruporti f'reġjuni bi sfidi jistħoqqilhom kunsiderazzjoni speċjali fir-regoli tal-UE: fir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet (inkluż l-użu ta' obbligi tas-servizz pubbliku) u fir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw il-portijiet, l-avjazzjoni, u s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali; |
26. |
ifakkar li skont it-Trattati (il-Protokoll 26) l-Istati Membri għandhom marġini wiesa' ta' diskrezzjoni meta jiddefinixxu obbligi tas-servizz pubbliku u s-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali li l-aktar joqorbu għall-ħtiġiet tal-utenti, u li l-Kummissjoni Ewropea tista' tintervjeni biss f'każ ta' 'żball ovvju'; |
27. |
jiġbed l-attenzjoni wkoll għan-nuqqas ta' informazzjoni minn sors uniku dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku fil-każ ta' fornituri tat-trasport madwar l-UE. Hawnhekk, trasparenza akbar tista' tindirizza fallimenti tas-suq u trawwem kompetizzjoni akbar fost l-operaturi fir-reġjuni bi sfidi; |
28. |
jilqa' b'sodisfazzjoni l-linji gwida reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-avjazzjoni li jipprevedu ċerti flessibiltajiet li jippermettu l-għoti ta' għajnuna għall-investimenti u l -operat tal-ajruporti, kif ukoll l-għoti ta' għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru f'reġjuni remoti jew b'aċċess diffiċli. Ajruporti bħal dawn spiss ikollhom ilaħħqu ma' domanda staġjonali għolja, anke jekk huma jkollhom kapaċità żejda matul perjodi oħrajn tas-sena; |
29. |
madankollu, huwa jiddeplora r-restrizzjoni imposta mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali għall-perjodu ta' finanzjament 2014-20 li, fil-prattika, tipprojbixxi l-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti fil-biċċa l-kbira tal-każijiet; |
30. |
jenfasizza l-importanza ta' approċċ b'saħħtu, trasparenti u b'infurzar sħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri li jkopri l-mezzi kollha tat-trasport pubbliku iżda wkoll il-vjaġġi multimodali. Fil-każ ta' vjaġġi bl-ajru jew bil-ferrovija b'għadd ta' waqfiet (multi-leg) għandhom jitħeġġu iktar il-ftehimiet dwar ħruġ ta' biljetti kombinati bejn il-linji tal-ajru. Dawn huma ta' benefiċċju għall-passiġġieri tal-ajru minn reġjuni mbiegħda kemm f'termini ta' sempliċità kif ukoll ta' prezz. Madanakollu, l-ispejjeż għal ħlas ta' kumpens imħallsa mill-kumpaniji tal-ajru reġjonali jew provvedituri ta' rotot lokali ferrovjarji li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali jew fi stazzjonijiet ewlenin tal-ferrovija f'każ li jitilfu interkonnessjonijiet ulterjuri f'ajruporti prinċipali, m'għandhomx ikunu tant sproporzjonati li jipprevjenu l-użu akbar ta' ftehimiet bħal dawn; |
Governanza
31. |
jemmen li jista' jsir aktar biex jiġi żgurat li dawk li jfasslu l-politika jadottaw approċċ olistiku, multimodali, sostenibbli u ikkoordinat għall-isfidi tal-mobilità f'dawn ir-reġjuni. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jinstabu soluzzjonijiet primarjament fil-livell lokali u reġjonali, b'azzjonijiet ta' appoġġ mill-UE biss fejn dawn iġibu magħhom valur miżjud; |
32. |
jenfasizza li l-burokrazija għandha tinżamm fl-inqas livell posssibbli fi kwalunkwe azzjoni ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea; |
33. |
jinnota li mudelli ta' governanza deċentralizzata li jiddelegaw is-setgħat tat-trasport u l-fondi assoċjati fil-livell sottonazzjonali wrew l-effettività tagħhom f'għadd ta' Stati Membri; |
34. |
jirrikonoxxi barra minn hekk li l-mobilità f'reġjuni bi sfidi m'għandhiex tkun biss kwistjoni ta' żvilupp ta' infrastruttura u servizzi tat-trasport. Il-proġetti ta' mobilità għandhom jiffurmaw parti integrali mill-ippjanar tal-iżvilupp għar-reġjun bi sfidi kollu kemm hu. Pereżempju, kwalunkwe sit kummerċjali, industrijali jew residenzjali li mhuwiex konness tajjeb jista' jkun jirrikjedi kontribuzzjoni mingħand l-iżviluppatur biex tmur għall-ispejjeż ta' servizzi ġodda ta' trasport pubbliku; |
35. |
jenfasizza r-rwol importanti tal-ippjanar tal-mobilità lokali, u li kwalunkwe pjan ta' mobilità lokali m'għandux ikun limitat għal żoni urbani imma jiġi estiż għal żoni ġirien, jew mill-inqas żviluppat flimkien magħhom, inklużi ż-żoni rurali, bħala parti minn strateġija usa' ta' żvilupp ibbażat fuq il-post. Dan ser jiżgura li s-sistemi ta' trasport f'żoni aktar popolati jkunu jaqdu wkoll iż-żoni remoti. Pjani ta' trasport bħal dawn għandhom iqisu mhux biss l-itinerarji qosra meħtieġa biex jaqdu l-bżonnijiet tal-lokal fiż-żmien immedjat, iżda wkoll itinerarji itwal li jkunu jikkollegaw lir-reġjuni bi sfidi maċ-ċentri urbani ikbar; |
36. |
jenfasizza b'mod partikulari l-każ tat-trasport pubbliku transkonfinali fl-Ewropa ta' sikwit jiffaċċja sfidi partikolari. Dawn jinkludu differenzi bejn l-Istati Membri f'termini ta': rekwiżiti ambjentali; provvista ta' enerġija elettrika; standards ta' sikurezza; u taħriġ tal-persunal kif ukoll differenzi legali jew nuqqas ta' fehim dwar l-iffinanzjar mill-awtoritajiet kompetenti. Mudelli ġodda ta' governanza, l-użu ta' qafas legali komuni, bħar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT), ftehimiet ta' kooperazzjoni, jew il-ħolqien ta' awtorità tat-trasport transkonfinali konġunta jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, pereżempju permezz tal-awtorizzazzjoni ta' konċessjonijiet li jiffaċilitaw il-mobilità bejn żoni transkonfinali, sakemm dawn ikunu jistgħu jitwettqu bl-inqas burokrazija possibbli; |
Valutazzjonijiet leġislattivi u valutazzjonijiet tal-impatt territorjali
37. |
jitlob li, fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt leġislattiv fil-qasam tal-mobilità, il-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni speċifika lill-impatt tal-politiki u l-programmi tal-UE dwar il-mobilità fuq ir-reġjuni bi sfidi; |
38. |
jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, kif propost mill-Kumitat tar-Reġjuni, li jagħtu l-opportunità biex jitqies l-impatt territorjali tal-politiki ta' mobilità tal-UE f'reġjuni bi sfidi. Kwistjonijiet demografiċi bħal popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, it-tixrid tal-popolazzjoni u 'l-eżodu ta' mħuħ' għandhom jiġu kkunsidrati wkoll; |
Green Paper tal-UE dwar il-mobilità f'reġjuni bi sfidi
39. |
jemmen li l-provvista ta' servizzi ta' trasport f'dawk ir-reġjuni li huma f'riskju għadha ma titqiesx bħala sfida Ewropea. L-enfasi regolatorja tal-UE qiegħda fuq l-iżgurar ta' tfixkil minimu tas-suq aktar milli l-ħolqien ta' qafas legali li jappoġġja b'mod proattiv l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ta' mobilità fir-reġjuni bi sfidi; |
40. |
jitlob għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tippubblika Green Paper dwar din il-kwistjoni, sabiex is-suġġett ikun jista' jiġi diskuss bis-sħiħ mill-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet tal-UE, u biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati miżuri xierqa. L-għan għandu jkun li l-kwistjonijiet ta' mobilità f'reġjuni bi sfidi jiġu rikonoxxuti u indirizzati aħjar fil-firxa sħiħa ta' politiki u programmi tal-UE, sabiex b'hekk jiżdied l-aċċess għal mobilità u jitnaqqas ir-riskju tad-depopolazzjoni; |
41. |
jemmen, b'mod aktar speċifiku, li l-Green Paper għandha: tniedi dibattitu; tivvaluta il-progress li sar s'issa, tiddeskrivi b'mod ġenerali l-qafas legali kurrenti u l-inizjattivi tal-politika rilevanti; tanalizza l-aspetti b'saħħithom u d-dgħufijiet speċifiċi ta' reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi f'termini ta' mobilità u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni territorjali kollha kemm hi; tanalizza d-distakk bejn l-impenji tat-Trattat u l-prattiki tal-UE fl-iżvilupp ta' politiki tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija li jaffettwaw reġjuni bi sfidi; tiddetermina l-impatt ta' dan kollu fuq l-ekonomija u l-impjieg f'dawn ir-reġjuni; għandha wkoll tippromovi koordinazzjoni aħjar bejn is-sorsi, il-programmi u l-politiki ta' finanzjament għall-mobilità; tistimula r-riċerka u l-innovazzjoni u tiżviluppa proġetti pilota; u tesplora alternattivi għall-ġejjieni, inkluż liema miżuri jew inċentivi jistgħu jkunu adatti u fuq liema livell ta' governanza; |
42. |
jenfasizza li, fit-tfassil tal-Green Paper, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-każijiet fejn l-azzjonijiet mhux leġislattivi, bħal strateġija, pjan ta' azzjoni, rakkomandazzjonijiet, linji gwida, jew il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, jistgħu jkunu ta' valur miżjud għal inizjattivi nazzjonali u sottonazzjonali; |
43. |
jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-mobilità f'reġjuni bi sfidi permezz ta' avveniment speċifiku bħall-Ġimgħa tal-Mobilità ta' kull sena; |
Brussell, 8 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
III Atti preparatorji
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-108 Sessjoni Plenarja tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2014
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/23 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-pakkett għal Arja Nadifa għall-Ewropa
2014/C 415/06
Relatur |
is-Sur Lamers (NL/PPE), Sindku ta' Schiedam |
Dokumenti ta' referenza |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa COM(2013) 918 final Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċertu tniġġis fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni COM(2013) 919 final – 2013/0442 (COD) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE COM(2013) 920 final – 2013/0443 (COD) |
I. I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
A. Kummenti ġenerali
1. |
ħa nota tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar pakkett ġdid għal arja iktar nadifa fl-Ewropa u jappoġġjahom b'mod ġenerali, jinsab sodisfatt b'mod globali għall-approċċ lejn is-sorsi tat-tniġġis (implimentazzjoni aħjar taċ-ċiklu ta' testjar għall-vetturi privati li jagħmlu parti mill-istandard Euro 6, l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-2020 u għall-2030, ir-regolazzjoni tal-emissjonijiet ta' impjanti medji ta' kombustjoni eċċ.); |
2. |
iqis li t-tniġġis tal-arja huwa fenomenu transkonfinali li għandu jiġi indirizzat fil-livell Ewropew u għalhekk iqis li l-inizjattivi u l-leġislazzjoni l-ġdida proposti mill-Kummissjoni Ewropea huma konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; |
3. |
bħall-Kummissjoni Ewropea jqis li din hija problema kbira: it-tniġġis tal-arja huwa l-kawża ambjentali ewlenija ta' mwiet prematuri fl-UE, u huwa responsabbli għal għaxar darbiet iktar imwiet mill-inċidenti tat-traffiku u huwa assoċjat ma' mard fil-pulmuni, mard kardjovaskulari, puplesiji u kankri. It-tniġġis tal-arja joriġina l-iktar fiż-żoni urbani, fejn id-densità tal-popolazzjoni hija għolja, anke fiż-żoni fejn l-effetti tal-emissjonijiet, minħabba karatteristiċi ġeografiċi partikolari, bħall-passaġġi dojoq ta' ċerti widien (tax-xmajjar) flimkien ma' kundizzjonijiet atmosferiċi predominanti, jistgħu jwasslu għal konċentrazzjonijiet ogħla ta' sustanzi li jniġġsu l-ambjent. Is-saħħa tal-poplu u l-ambjent għandhom jibqgħu l-bażi tal-politika Ewropea dwar l-arja; |
4. |
jikkonkludi li l-kwalità tal-arja fl-Ewropa kompliet titjieb tul l-aħħar snin, imma mhux b'mod rapidu biżżejjed. Għadd kbir ta' Stati Membri ma jistgħux jissodisfaw l-istandards tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja u bħalissa hemm proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru; |
5. |
jinnota bi pjaċir il-livell ta' ambizzjoni segwit mill-Kummissjoni għall-perjodu iktar fit-tul, iżda jinnota li abbażi tal-politika proposta tal-emissjonijiet, iċ-ċittadin Ewropew ser ikollu jistenna madwar żewġ ġenerazzjonijiet biex ikun jista' jieħu nifs f'arja vera nadifa u tajba għas-saħħa. Din is-sitwazzjoni hija ta' tħassib kbir; |
6. |
jenfasizza l-karattru transkonfinali tat-tniġġis tal-arja u huwa tal-fehma li din il-problema titlob approċċ f'diversi livelli fejn kull livell ta' gvern (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali) jassumi r-responsabbiltà tiegħu. Dan jeħtieġ approċċ komprensiv li jqis ir-responsabbiltà ta' min iniġġes, il-kompetenzi legali u t-tqassim ġust tal-ispejjeż. Tul dawn l-aħħar snin il-livelli kollha ta' gvern ħadu – u għadhom qed jieħdu – għadd ta' miżuri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-arja fil-livell lokali iżda jeħtieġu appoġġ finanzjarju adegwat kif ukoll politika effettiva u għodod regolatorji li jiksbu r-riżultati mixtieqa (pereżempju standards tal-emissjonijiet Euro 6). Il-miżuri lokali u reġjonali huma importanti imma għandhom biss impatt (lokali) pożittiv limitat u ħafna drabi jeħtieġu investiment kbir. L-awtoritajiet lokali sikwit għandhom livell limitat ta' influwenza, fondi u flessibbiltà politika. Il-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u l-leġislazzjoni nazzjonali fil-biċċa l-kbira għandhom impatt ħafna iktar pożittiv fuq il-kwalità tal-arja u, barra minn hekk, fil-maġġoranza tal-każijiet huma iktar kosteffiċjenti. Għalhekk, il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors għandha tiġi qabel ma jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-immissjonijiet; |
7. |
jirreferi għall-opinjoni esploratorja tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-2012 dwar ir-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-arja. F'din l-Opinjoni kien talab biex tingħata attenzjoni biex il-politika tkun tista' tiġi implimentata aħjar, u b'hekk għal approċċ komprensiv, politika Ewropea ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors u akkoppjar mal-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet u l-immissjonijiet, kemm fir-rigward tal-ambizzjonijiet kif ukoll tal-iskedi; |
8. |
jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-prinċipji importanti tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-Opinjoni relatata tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar integrazzjoni aħjar, implimentazzjoni aħjar u kooperazzjoni aħjar bejn il-livelli ta' gvern fir-rigward tal-politika tal-ambjent u jinkludi dawn il-prinċipji f'din l-Opinjoni; |
9. |
jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni jfissru passi konkreti fir-rigward tal-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors, imma li minħabba l-perjodi proposti r-riżultati pożittivi ta' din il-politika ser idumu wisq biex joħorġu fid-dieher. Il-politika proposta ma tgħinx lill-Istati Membri u l-awtoritajiet territorjali biex jissodisfaw fil-ħin l-istandards tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja. Għalhekk, il-Kumitat jikkonkludi li għad hemm lok għal nuqqas ta' qbil kbir bejn il-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet u dik dwar l-immissjonijiet. Għahekk hemm bżonn li tinstab soluzzjoni; |
B. Il-Komunikazzjoni
B.1 Nuqqas ta' qbil bejn il-politika dwar l-emissjonijiet u l-politika dwar l-immissjonijiet
10. |
il-Kumitat jappoġġja l-ambizzjonijiet għoljin tal-Kummissjoni Ewropea fejn qed timmira biex fit-tul ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kwalità tal-arja ma jkollhiex iktar effetti (negattivi) fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi. Il-Kummissjoni hawnhekk tirreferi għall-valuri ta' referenza stretti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iżda ma ssemmi l-ebda data sa meta dawn għandhom jinkisbu; |
11. |
il-Kummissjoni Ewropea tqis li d-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja mhijiex qed tiġi rispettata biżżejjed. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-istandards mhux qed jiġu rispettati (fil-ħin) u hemm proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru. Għalhekk, fil-perjodu l-qasir il-Kummissjoni mhijiex se tirrevedi d-Direttiva. Hija għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni aħjar ta' din id-Direttiva sabiex l-istandards attwali jiġu rrispettati kullimkien mhux aktar tard mill-2020. Madankollu, formalment mhu ser jinbidel xejn: ma jissemma l-ebda posponiment tal-obbligu (legali) biex il-limiti fis-seħħ jintlaħqu fil-ħin; |
12. |
Huwa fatt li t-titjib ewlieni jrid jiġi mill-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors. Fis-snin li għaddew din il-politika ma waslitx biżżejjed għar-riżultati mixtieqa. Dan jidher mill-emissjonijiet minn diversi kategoriji ta' vetturi li fil-prattika jidhru li huma ogħla mir-rekwiżiti Ewropej applikabbli għal dawn il-kategoriji ta' vetturi, u dan jgħodd ukoll għall-emissjonijiet fil-prattika ta' vetturi privati tal-iktar kategorija ġdida Euro 6. Dan qed iwassal għal problemi kbar, l-iktar fiż-żoni urbani u fir-rotot ta' tranżitu. Madankollu, il-KtR jenfasizza li l-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE, ħafna drabi ma kinux ambizzjużi biżżejjed; |
13. |
Il-Kumitat jappoġġja b'mod ġenerali l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors (implimentazzjoni aħjar taċ-ċiklu ta' testjar għall-vetturi privati li jagħmlu parti mill-istandard Euro 6, tnaqqis tan-NEC (livelli limiti nazzjonali għall-emissjonijiet), ir-regolazzjoni tal-impjanti medji tal-kombustjoni eċċ.). Il-vetturi heavy-duty għandhom jiġu ttestjati għall-adegwatezza tal-mudell billi jitħaddmu fi traffiku reali u jitkejlu l-emissjonijiet fuq il-post, filwaqt li l-livelli massimi m'għandhomx jinqabżu fl-ebda ċirkustanza. Huwa jenfasizza wkoll li l-miżuri eżistenti u ppjanati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors (bħad-Direttiva dwar l-ekoloġija, il-miżuri agrikoli, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u d-Direttiva dwar il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, fosthom in-navigazzjoni interna) jistgħu jagħtu kontribut importanti biex isir it-tnaqqis meħtieġ. Għalhekk huwa importanti wkoll li fis-snin li ġejjin jintwerew l-ambizzjonijiet meħtieġa u li dawn jissarrfu f'dokumenti tekniċi ta' referenza (dokumenti BREF); |
14. |
Madankollu, il-politika proposta għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors mhijiex sinkronizzata mal-obbliġi tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja, la mil-lat ta' żmien u lanqas ta' ambizzjoni. L-effetti pożittivi dwar din il-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors mhumiex ser ikunu evidenti biżżejjed fil-ħin. Fl-Opinjoni preċedenti tal-2012, il-Kumitat kien talab biex il-politika Ewropea dwar l-immissjonijiet tiġi koordinata mal-politika Ewropea dwar l-emissjonijiet. Il-Kummissjoni għażlet li ma tirrevedix id-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja qabel ma l-politika għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors tkun tat il-frott. Iżda fid-dawl tal-iskedi, irridu nistennew sal-perjodi bejn l-2020 u l-2030 biex naraw l-effetti pożittivi tal-politika għat-tnaqqis fis-sors. Dan jissuġġerixxi li l-ambizzjonijiet għoljin tal-Kummissjoni mhux se jsiru realtà qabel il-perjodu 2030-2050; |
15. |
jinnota li l-Kummissjoni Ewropea xorta bdiet proċeduri ta' ksur kontra 17-il Stat Membru għalkemm l-iskedi ma jqisux biżżejjed kemm jgħaddi żmien qabel mal-politiki għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors jilħqu l-effetti tagħhom. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex toqgħod partikolarment attenta fl-implimentazzjoni ta' proċeduri bħal dawn u biex tagħżel approċċ iktar kostruttiv ibbażat fuq skedi realistiċi; |
16. |
il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri jingħataw “perjodu ta' rimedju” itwal, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jqis il-perjodi li fihom ikunu mistennija riżultati mill-politika proposta mill-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors. Il-kundizzjonijiet jinkludu t-tfassil ta' programm ta' rimedju b'miżuri li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex il-valuri limiti tal-immissjonijiet jiġu rispettati. |
17. |
jisħaq li l-proposta ma tippermettix lill-Istati Membri jevitaw id-dmir li jieħdu miżuri. F'dan il-kuntest, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-Kummissjoni dejjem tista' tipproponi kundizzjonijiet simili għal dawk li tapplika (u diġà applikat) fil-qafas tal-għoti ta' derogi (1). L-għan huwa li l-Istati Membri affettwati jadottaw politiki u miżuri b'mod adegwat biex fi żmien raġonevoli jilħqu l-livelli ta' konċentrazzjoni bħal dawk imfissra fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja; |
18. |
l-alternattiva proposta hawn fuq hija differenti mill-perjodu ta' transizzjoni tad-deroga li l-Kummissjoni qed tapplika bħalissa. Hawnhekk jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll il-perjodi li fihom jidhru l-effetti tal-politika Ewropea proposta mill-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-sors; |
19. |
Il-Kumitat jinnota hawnhekk li t-tniġġis tal-arja lokali jinbet minn taħlita ta' sorsi internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-emissjonijiet relatati tagħhom. Kull livell ta' gvern huwa responsabbli u l-Kumitat huwa tal-fehma li l-programmi ta' rimedju stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jitfasslu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet territorjali. Dawn it-tipi ta' pjani jistgħu pereżempju jinkludu li Stat Membru jirranġa biex is-sistema tat-taxxi tiegħu tkun iktar orjentata biex tistimula trasport iktar nadif u tiskoraġġixxi traffiku li jniġġes. L-awtoritajiet territorjali mbagħad jistgħu jaqdu rwol billi pereżempju jintroduċu żoni ambjentali; |
20. |
It-trażżin fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' ksur huwa importanti wkoll għax proċeduri bħal dawn jistgħu jinbidlu f'multi u l-leġislazzjoni (li qed titħejja) f'ħafna Stati Membri tipprevedi li jistgħu jgħaddu dawn il-multi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Fl-Opinjoni tal-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni stqarr li kull trasferiment ta' multi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali ma kienx ġust. Fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ir-responsabbiltajiet bejn id-diversi livelli ta' gvern għandhom ikunu reċiproċi. Mhijiex ħaġa ġusta li jkun hemm biss livell wieħed ta' gvern responsabbli u li l-multi jingħataw biss lil livell wieħed ta' gvern. Barra minn hekk mhuwiex ġustifikabbli li l-livell ta' gvern bl-inqas influwenza jinżamm responsabbli, filwaqt li d-deċiżjonijiet prinċipali f'ħafna Stati Membri jsiru fil-livell nazzjonali. |
B.2 Riċerka, innovazzjoni, skambju ta' għarfien u riżorsi
21. |
fl-Opinjoni tal-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni kien stqarr li kien importanti li jsir stħarriġ dwar jekk huwiex possibbli li l-karbonju elementali ikun indikatur aħjar fir-rigward tas-saħħa minn PM 2.5 u PM 10. Il-Kummissjoni Ewropea ma tqisx tali investigazzjoni iktar dettaljata fil-proposti tagħha. Il-Kumitat tar-Reġjuni jibqa' jenfasizza l-importanza li ssir iktar riċerka f'dan il-qasam. Fil-Programm Arja Nadifa għall-Ewropa l-Kummissjoni fil-fatt tagħti attenzjoni lill-karbonju elementali u l-Kumitat jilqa' din il-wegħda: “Fl-implimentazzjoni tat-tnaqqis PM2.5, se jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-karbonju iswed (KI), is-sustanza l-oħra li tniġġes il-klima u li għandha ħajja qasira”; |
22. |
Il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-approċċ komprensiv rakkomandat mill-Kumissjoni Ewropea u jfakkar kemm huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni mal-politika relatata bħall-politika tal-klima u l-enerġija, il-politika ekonomika u industrijali, il-politika tal-agrikoltura u l-politika tat-trasport; |
23. |
dan l-approċċ integrat għandu impatt ukoll fuq il-fondi Ewropej. Bis-saħħa ta' iktar flessibbiltà u prijoritizzazzjoni fil-fondi Ewropej għall-miżuri tal-kwalità tal-arja, dawn il-fondi jagħmlu t-twettiq tal-għanijiet tal-arja iktar fattibbli u l-Kummissjoni tkun tista' tissodisfa b'mod tajjeb ix-xewqa għal approċċ integrat. Il-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex japplikaw b'mod proattiv għall-fondi Ewropej; |
24. |
Il-Kumitat jappoġġja l-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tabbina mal-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien fil-qasam tal-kwalità tal-arja pereżempju fil-forma ta' proġetti pilota u d-disseminazzjoni tas-sett ta' strumenti (toolbox) lokali u reġjonali għall-ġestjoni tal-kwalità tal-arja; |
25. |
it-tniġġis tal-arja huwa kkawżat fil-biċċa l-kbira mit-traffiku li jinħoloq mill-vetturi fit-triq. B'konformità mal-Opinjoni tal-2012, huwa importanti li jkompli jiġi offrut appoġġ għar-riċerka u jitħeġġeġ l-użu ta' teknoloġiji alternattivi ta' propulsjoni, bħall-vetturi ibridi plug-in, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, eċċ. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi wkoll għar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tiegħu dwar il-Komunikazzjoni CARS 2020; |
26. |
Anke fil-ġejjieni ser ikun importanti li għal din l-inizjattiva u oħrajn relatati mal-kwalità tal-arja jkun hemm riservati biżżejjed mezzi finanzjarji, pereżempju permezz tal-fondi strutturali, Orizzont 2020 u Life; |
C. Proposta għal Direttiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja
27. |
Il-politika Ewropea għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja hija strument importanti biex jitrażżan it-tniġġis tal-arja fl-UE. Hija tistimula l-approċċ ferm meħtieġ ta' sorsi kbar li jniġġsu bħal emissjonijiet mill-agrikoltura u mill-industrija; |
28. |
F'dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex mill-2020 u għall-2030 l-Istati Membri jkollhom obbligi nazzjonali komplementari għat-tnaqqis. Dan huwa ferm importanti biex jitrażżnu l-konċentrazzjonijiet (fl-isfond) fil-livell lokali u reġjonali; |
29. |
Huwa jagħraf il-bżonn li jiġu stabbiliti għanijiet internazzjonali ġodda għall-2020 permezz tal-protokoll rivedut ta' Göteborg, li jħeġġeġ anke lill-pajjiżi barra l-Ewropa biex jimplimentaw politika dwar il-kwalità tal-arja. L-emendar tal-protokoll ta' Göteborg madankollu ma jeħtieġ l-ebda miżura komplementari mill-Istati Membri sal-2020 u l-obbligi nazzjonali komplementari għat-tnaqqis huma previsti biss fit-tul; |
30. |
dan ifisser li tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja jibqa' proviżorjament eskluż u li sakemm jidher l-effett tar-rekwiżiti nazzjonali iktar stretti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux ser jingħataw appoġġ addizzjonali biex jilħqu fil-ħin ir-rekwiżiti tal-immissjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja; |
31. |
jilqa' bi pjaċir id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6 propost li Stati Membri fil-programmi nazzjonali ta' kontroll tat-tniġġis tal-arja jridu jevalwaw sa liema punt is-sorsi ta' emissjonijiet nazzjonali jistgħu jħallu impatt fuq il-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom u fl-Istati Membri tal-viċinat, u biex jitqies il-bżonn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu l-arja sabiex tintlaħaq konformità tal-objettivi tal-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom u fejn huwa adatt, fl-Istati Membri tal-viċinat. Il-KtR jixtieq li din id-dispożizzjoni tinżamm fid-Direttiva aħħarija; |
32. |
il-Kumitat jappella għal livell ta' ambizzjoni għoli biżżejjed fid-dawl tal-obbligi nazzjonali ta' tnaqqis iktar stretti għall-2030. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea turi li hemm lok li jintlaħaq livell ta' ambizzjoni ogħla minn dak immirat fil-proposti bħalissa b'mod kosteffiċjenti. Il-Kumitat għalhekk jappella biex għall-inqas jinżammu l-obbligi tat-tnaqqis proposti għall-2030 u jitlob biex, fejn possibbli, l-obbligi għat-tnaqqis isiru iktar stretti. Madankollu, il-livelli tat-tnaqqis mitluba għandhom ikunu fattibbli ekonomikament u jkunu aġġustati għall-possibbiltajiet teknoloġiċi li jistgħu jiġu applikati bl-użu ta' kriterji ekonomiċi; |
33. |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jintgħażlu għanijiet intermedji għall-2025 li jibqgħu vinkolanti daqs l-għanijiet għall-2020 u l-2030. Dan joħloq iktar kontroll, li permezz tiegħu l-Istati Membri jkunu obbligati li jibdew fil-ħin bit-trażżin ta' emissjonijiet dannużi; |
34. |
Filwaqt li jappoġġja l-mekkaniżmi ta' flessibbiltà proposti, huwa jindika li dawn m'għandhomx jintużaw biex ma jkollux isir intervent f'każ ta' effetti negattivi tal-politika; |
D. Proposta għal Direttiva dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja ta' impjanti medji ta' kombustjoni
35. |
Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar proposta għal leġislazzjoni għal rekwiżiti ta' emissjoni (id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata) għall-impjanti medji tal-kombustjoni b'kapaċità termika bejn 1 u 50 MW, li minnhom fl-UE hemm madwar 1 42 986. Din il-proposta tipprevedi għalhekk l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea għal din il-kategorija ta' impjanti tal-kombustjoni, li s'issa kienet nieqsa. Il-Proposta tal-Kummissjoni ssemmi biss id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikolata. Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tar-regoli futuri, għandha tinvestiga jekk ir-rekwiżiti tal-emissjonijiet għall-monossidu tal-karbonju humiex rilevanti. |
36. |
għanijiet ambizzjużi għall-impjanti tal-kombustjoni huma ta' importanza konsiderevoli biex jinkisbu l-għanijiet tal-obbligi nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-arja iżda jirrikonoxxi wkoll l-importanza ta' sorsi ta' enerġija li qed jinbidlu minn karburanti fossili għall-bijomassa, f'xi każijiet, billi jitwaqqfu l-mekkaniżmi u s-sistemi neċessarji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu ġejjin mill-kombustjoni tal-bijomassa. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu preskritti l-aħjar tekniki disponibbli. Għall-impjanti l-ġodda hemm mudelli tajbin, li permezz tagħhom jistgħu jintlaħqu livelli ta' emissjoni stretti permezz ta' miżuri primarji, pereżempju għall-bojlers u t-turbini li jaħdmu bil-gass; |
37. |
jemmen li, fir-rigward ta' kosteffettività tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għandu jkun possibbli li jitqies il-kontribut lejn l-emissjonijiet netti nazzjonali tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-kombustjoni żgħar u ta' daqs medju għall-produzzjoni tal-enerġija; għal |
38. |
jistenna li l-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja tipprovdi previdibilità, approċċ għal perjodu ta' żmien twil u koerenza naturali mal-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija u oħrajn; |
39. |
fir-rigward tal-Anness IV huwa importanti li d-Direttiva tiċċara iktar il-frekwenza tal-kejl, il-parametri u l-metodi tal-kejl. Din l-informazzjoni hija kruċjali biex tkun tista' ssir diskussjoni dwar il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni u magħha r-rekwiżiti ta' emissjoni tad-Direttiva. |
40. |
Uħud mill-Istati Membri diġà għandhom leġislazzjoni nazzjonali għall-impjanti medji tal-kombustjoni. F'ċerti każijiet ir-rekwiżiti ta' emissjoni huma iktar stretti mir-rekwiżiti proposti fil-livell Ewropew. Iżda f'każijiet oħra mhumiex. Mil-lat tal-ambjent u tas-saħħa huwa importanti li fl-Istati Membri fejn ir-rekwiżiti huma iktar stretti, dawn ir-rekwiżiti jkunu jistgħu jinżammu; |
41. |
iqis li huwa essenzjali li d-Direttiva dwar l-impjanti medji tal-kombustjoni tikkunsidra l-kosteffettività meta tistabbilixxi l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet, bħalma hi l-materja partikolata, li jkunu japplikaw kemm għall-impjanti eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda; |
42. |
il-Kumitat jitlob li, għall-fattibbiltà tal-implimentazzjoni u l-proporzjonalità, tingħata ħarsa lejn iktar possibbiltajiet għad-divrenzjar estensiv. Dan jista' jsir abbażi tal-kapaċità u tal-karburant użat, ċertament tat-tip fejn il-miri tal-valur jistgħu jinkisbu biss b'teknika fil-punt tar-rimi (end-of-pipe) u fejn l-ispejjeż relattivi jistgħu jkunu ta' piż ikbar għall-impjanti ta' tip iżgħar. Fil-każ ta' karburanti li mhumiex standard (bħall-gassijiet ta' proċessar u likwidi, bijogass eċċ.) għandhom jiġu analizzati l-possibbiltajiet għal approċċ iktar immirat. Barra minn hekk, fid-dawl tad-differenzi kbar fit-teknika bażi, għandha tingħata ħarsa lejn id-divrenzjar f'termini tat-tipi ta' impjanti (pereżempju b'kategorizzazzjoni ta' turbini tal-gass, muturi bojlers u oħrajn). B'approċċ ta' universalità strett wisq hemm ir-riskju li kultant ir-rekwiżiti jkunu stretti żżejjed għal ċerti tipi ta' impjanti; |
43. |
jinnota li r-rekwiżiti proposti għar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ xi kultant jistgħu jwasslu għal piżijiet amministrattivi (addizzjonali) għall-awtoritajiet u l-kumpaniji. Dan għandu jiġi analizzat b'mod kritiku. Eżempju wieħed konkret huwa l-bojler, li mil-lat tekniku, il-kejl frekwenti għandu ftit valur miżjud għax it-tixjiħ u t-tniġġis tal-bojler għandhom rwol inqas importanti minn pereżempju l-muturi. |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI
Emenda 1
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 4(1)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta' diossidu tal-kubrit (SO2), ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx), ta' komposti organiċi volatili għajr il-metan (NMVOC), ta' ammonja (NH3), ta' materja partikulata (PM2,5) u ta' metan (CH4) b'konformità mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet applikabbli mill-2020 u l-2030, kif stabbilit fl-Anness II. |
Bħala minimu, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi annwali tagħhom ta' diossidu tal-kubrit (SO2), ta' ossidi tan-nitroġenu (NOx), ta' komposti organiċi volatili għajr il-metan (NMVOC), ta' ammonja (NH3), ta' materja partikulata (PM2,5) u ta' metan (CH4) b'konformità mal-impenji nazzjonali għat-tnaqqis ta' emissjonijiet applikabbli mill-2020, l-2025 u l-2030, kif stabbilit fl-Anness II. |
Raġuni
Huwa importanti li l-għanijiet intermedji għall-2025 ikollhom saħħa vinkolanti daqs l-għanijiet għall-2020 u l-2030. Dan huwa importanti ħafna biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa li fl-2030 jilħqu kompletament l-obbligi nazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal dik is-sena. Din l-emenda għandha tirrifletti l-impatt tagħha, fost oħrajn fl-Anness II, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta' emissjonijiet definiti mill-obbligi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet għall-2030.
Emenda 2
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 4(2)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati sabiex jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-2025 annwali tagħhom ta' SO2, NOx, NMVOC, NH3, PM2,5 u CH4. Il-livelli ta’ dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ fjuwils mibjugħin, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta’ emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-2030. Meta l-emissjonijiet għall-2025 ma jkunux jistgħu jiġu limitati skont il-perkors iddeterminat, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom fir-rapporti tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9. |
Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati sabiex jillimitaw l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-2025 annwali tagħhom ta' SO2, NOx, NMVOC, NH3, PM2,5 u CH4. Il-livelli ta’ dawk l-emissjonijiet għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ fjuwils mibjugħin, permezz ta' perkors ta' tnaqqis lineari stabbilit bejn il-livelli tal-emissjonijiet tagħhom għall-2020 u l-livelli ta’ emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet għall-2030. Meta l-emissjonijiet għall-2025 ma jkunux jistgħu jiġu limitati skont il-perkors iddeterminat, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom fir-rapporti tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9. |
Raġuni
L-Artikolu 4(2) jinkludi dispożizzjonijiet għall-2025 iżda ma jibqax rilevanti meta jiġu stabbiliti għanijiet intermedji vinkolanti għall-2025.
Emenda 3
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja u li temenda d-Direttiva 2003/35/KE – COM(2013) 920 final, 2013/0443(COD), Artikolu 5(6)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati għall-użu tal-flessibbiltajiet kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14. |
Il-Kummissjoni tista' trid tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati għall-użu tal-flessibbiltajiet kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3, b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14. |
Raġuni
Sabiex il-mekkaniżmi ta' flessibbiltà jiġu żviluppati iktar jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni ta' implimentazzjon (minflok li tista' tittieħed).
Brussell, 7 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa, l-Artikoli 22 u 23 u l-Anness XV.
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/30 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi
2014/C 415/07
Relatur |
Is-Sur Žagunis Sindku tal-Muniċipalità Distrettwali ta’ Panevėžys (LT/AE) |
Dokument ta’ referenza |
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi COM(2014) 32 final |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
filwaqt li l-iżvilupp ta’ stil ta’ ħajja f’saħħtu huwa importanti saħansitra mill-età tal-iskola, u fir-rigward tal-kapaċità tal-UE li tagħti spinta lill-abbiltà tal-poplu li jgħix f’saħħtu u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jadottaw u jimplimentaw miżuri appoġġjati mill-programmi konġunti Ewropej b’mod li huwa adattat għall-każijiet individwali; |
2. |
jisħaq li l-ikel organiku u li mhuwiex modifikat ġenetikament jifforma parti importanti minn dieta sostenibbli għat-tfal; |
3. |
filwaqt li nenfasizzaw is-sinifikat tal-iskema tal-frott u l-ħaxix li fiha pparteċipaw 25 Stat Membru (ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Isvezja mhumiex parteċipanti) u li minnha fl-2012/2013 ibbenefikaw 8,4 miljun tifel u tifla minn 61 396 skola; u l-iskema tal-ħalib li fiha pparteċipaw l-Istati Membri kollha u li minnha fl-2012/2013 ibbenefikaw 20,3 miljun tifel u tifla fl-UE kollha; filwqat li nenfasizzaw l-opportunitajiet li bbenefikaw minnhom l-Istati Membri parteċipanti; |
4. |
filwaqt li din l-inizjattiva leġislattiva, minkejja l-limiti tematiċi tagħha tolqot bosta oqsma importanti ta’ kompetenza tal-UE u tal-Istati Membri: il-PAK u s-suq uniku; is-saħħa pubblika u sa ċertu punt il-qasam tal-edukazzjoni; |
5. |
jilqa’ l-proposta li tfasslet b’referenza għar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2011 (1) li jingħaqdu l-programm ta’ provvista ta’ ħalib (introdott fl-1977 u estiż għall-iskejjel sekondarji fl-2008) u l-iskema tal-frott fl-iskejjel u li jiġu stabbiliti regoli uniformi għall-kofinanzjament, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għal żieda fl-effiċjenza u titjib tal-koordinazzjoni; |
6. |
jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri, skont ir-Regolament Nru 1308/2013 kif inhu emendat, għandhom il-possibbiltà li jallokaw parti mill-fondi previsti għall-provvista tal-frott u ħaxix, banana u ħalib fl-iskejjel fi ħdan il-limiti nazzjonali (Artikolu 23a(4)); dan ma jiżgurax biss flessibbiltà ikbar fl-użu tar-riżorsi iżda joħloq ukoll kundizzjonijiet aħjar fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġu evitati problemi possibbli relatati mal-livell għoli u inkwetanti (f’ċertu każijiet ta’ 30 %) ta’ fondi mhux użati stabbiliti fl-istqarrija finanzjarja tal-proposta (Punt 1.5.1) u jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem f’din l-allokazzjoni; |
7. |
fl-istess ħin għandu dubji dwar l-ammont tal-fondi li l-Istati Membri jistgħu jallokaw kif jidhrilhom għall-proposta għal programm; jinnota li l-persentaġġ propost ta’ 15 % mhuwiex ibbażat fuq analiżi dettaljata, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-persentaġġ, li għandu jinbidel, tal-fondi li ma jintużawx fiż-żewġ programmi f’xi każijiet jammonta għal 30 %. Għaldaqstant, din il-proposta nnifisha ma tidhirx li hija konformi biżżejjed mal-prinċipji ta’ governanza tajba; |
8. |
jilqa’ d-dispożizzjoni tar-Regolament emendat Nru 1308/2013, li skontha l-Istati Membri jistgħu jattiraw fondi mill-privat jew iżidu l-fondi proprji mal-programm, bħala bażi tajba għall-iżvilupp ta’ sinerġiji fl-użu tal-fondi nazzjonali u Ewropej bil-għan li jinkiseb riżultat pożittiv u indipendenti mill-fehmiet tad-diversi Stati Membri; |
9. |
jipproponi li jittejbu r-regoli dwar l-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix u ħalib fl-iskejjel billi jkun possibbli li jiġu allokati mill-ġdid il-kwoti nazzjonali għall-għajnuna. F’każ li pereżempju ftit qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin tal-programm jinstab li Stat Membru ma jkunx uża l-fondi kollha allokati lilu l-ewwel pass għandu jkun li jiġi kkunsidrat it-trasferiment tal-fondi lil reġjuni li għamlu użu akbar mill-fondi tagħhom; sussegwentement għandu jkun possibbli li l-kwoti nazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni jinqasmu mill-ġdid fost l-Istati Membri li jkunu użaw il-fondi tagħhom jew qabżuhom. B’hekk jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jimplimentaw ir-Regolament b’suċċess u dawk il-pajjiżi li ma jagħmlux dan bl-aktar mod effiċjenti jitħeġġu jagħmlu sforzi akbar; |
10. |
jenfasizza li l-prinċipji li qed jiġu applikati għal-allokazzjoni tal-kwoti fost l-Istati Membri, jiġifieri l-kriterju empiriku (X’użu għamlu mill-għajnuna fil-passat l-Istati Membri?) u t-tieni nett ir-rekwiżit mitlub (X’inhu l-proporzjon ta’ tfal ta’ bejn sitta u għaxar snin fil-popolazzjoni tal-Istati Membri?), huma formali wisq u jista’ jkun li mhumiex biżżejjed biex jiġu determinati b’mod effettiv il-bżonnijiet ta’ appoġġ; |
11. |
fir-rigward tad-diversità prevalenti fl-Ewropa, jipproponi li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ aktar kriterji, li skonthom jiġu stabbiliti l-kwoti nazzjonali għall-iskemi tal-frott u ħaxix u tal-ħalib għall-iskejjel; dawn il-kriterji jistgħu jinkludu: il-livell ta’ żvilupp tar-reġjun u l-istatistika medja tan-nuqqas ta’ vitamini li hija kkalkulata abbażi tad-differenza bejn l-ammont oġġettiv ta’ frott (ikkalkolat bil-metodi li tuża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa) li tirrikjedi d-dieta tat-tfal (400 g frott kuljum) u l-istatistika medja attwali tal-konsum tal-frott, id-drawwiet alimentari tradizzjonali (id-dieta tal-Istati Membri fin-Nofsinhar tradizzjonalment tinkludi aktar frott u ħaxix minn dik tal-Istati Membri fit-Tramuntana), eċċ.; |
12. |
jesprimi dubji dwar kemm hi adatta l-proposta tal-premessa 7 tal-proposta għal Regolament li tistipula li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti atti legali permezz ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw il-bilanċ bejn iż-żewġ kriterji, u jqis li dan huwa tentattiv li jiġu estiżi s-setgħat tal-Kummissjoni għad-detriment tas-setgħat tal-Istati Membri; |
13. |
jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-obbligu impost mir-Regolament fuq l-Istati Membri biex jimmonitorjaw il-programm (2) u b’mod partikolari fir-rigward tal-piż amministrattiv assoċjat ma’ dan l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lokali u reġjonali tal-Istati Membri u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-piż amministrattiv assoċjat mal-monitoraġġ tal-programm ikun kemm jista’ jkun minimu; |
14. |
jinsab imħasseb dwar il-prinċipju stabbilit fir-Regolament li skontu jiġi stabbilit ammont massimu għall-għajnuna tal-UE għal kull porzjon ta’ ikel minflok ma jiġi stabbilit persentaġġ speċifiku tal-għajnuna u jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati ma’ bażi ta’ kalkolu bħal dan, jiġifieri l-iffissar ta’ ammont speċifiku ta’ għajnuna, li fl-aħħar jista’ jwassal għall-użu ta’ prodotti bi prezz orħos iżda ta’ kwalità inferjuri; jipproponi li jiġu stabbiliti wkoll l-għajnuna finanzjarja tal-UE (il-limitu massimu) u l-ambitu speċifiku tal-għajnuna previsti għall-programm b’konformità wkoll mal-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
15. |
fid-dawl tar-riskju li jista’ jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tal-prodotti provduti minħabba l-iffissar tal-kontribut tal-UE għal kull porzjon ta’ ikel, jitlob lill-atturi kollha biex jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw u jikkontrollaw il-kwalità ogħlja tal-prodotti agrikoli provduti fil-qafas ta’ dan il-programm ta’ għajnuna; |
16. |
fir-rigward tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jikkritika l-fatt li n-nuqqas ta’ strument għall-orjentazzjoni tal-għajnuna lejn l-aktar bżonnijiet prijoritarji kkontribwixxa bil-kbir għad-diverġenża bejn ir-riżultati u l-għanijiet stabbiliti tal-programm tal-provvista ta’ ħalib għall-iskejjel, u biex it-test tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1308/2013 (id-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-istabbilimenti edukattivi) ma jindirizzax l-importanza li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li titqies l-esperjenza tagħhom fl-iżvilupp kontinwu tal-programm ta’ sitt snin għall-provvista ta’ frott u ħaxix; |
17. |
jitlob lill-Kummissjoni li, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li kwalunkwe sforz sabiex jiġu imposti rekwiżiti fil-livell tal-UE relatati ma’ konsultazzjonijiet intrastatali fuq l-Istati Membri għandu jitqies bħala ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fir-Regolament tirrakkomanda lill-Istati Membri jużaw iktar l-informazzjoni li jistgħu jipprovdulhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala istituzzjonijiet li huma l-eqreb tal-utent aħħari u tal-gruppi kkonċernati; dawn għandhom jiġu involuti b’mod partikolari fis-seduti b’rabta mat-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta’ sitt snin għall-provvista ta’ frott u ħaxix; |
Il-kontenut tal-programm
18. |
jinnota li meta l-konsum tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib ikun parti mid-drawwiet tal-bniedem ikollu impatt ekonomiku fit-tul u jgħin biex jinkisbu l-għanijiet Ewropej komuni li tiżdied il-kompetittività u tissaħħaħ il-koeżjoni; |
19. |
jinnota li l-prodotti tal-ikel, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, huma prodotti lokali. Il-promozzjoni tal-konsum ta’ dawn il-prodotti għalhekk iżżid id-domanda attwali u fil-livell globali tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-PAK; barra minn hekk, meta t-tfal jitħeġġu jieklu ikel iktar bnin ikunu qed jitrawwmu drawwiet ta’ dieta tajba u jiġi promoss il-konsum sostenibbli fil-ġejjieni. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-konsum ta’ frott, ħaxix u ħalib għandha titqies bħala parti mill-isforzi li qed isiru sabiex tiżdied il-kompetittività tal-Ewropa; |
20. |
fid-dawl tad-diskussjonijiet attwali dwar il-livell ta’ proċessar tal-prodotti eliġibbli taħt dan il-programm ta’ għajnuna u fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju li titrawwem dieta b’saħħitha mit-tfulija, jipproponi li l-għajnuna finanzjarja mill-programm tiġi limitata għal dawk il-prodotti li mhumiex proċessati jew ftit li xejn huma proċessati u li ma jinkludu l-ebda addittivi dannużi, dolċifikanti, sustanzi aromatizzanti jew melħ; |
21. |
fid-dawl tad-diversità fl-Ewropa jqis bħala inutli t-tentattiv li jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew it-tipi ta’ frott u ħaxix li ser jiġu provduti mill-programm fl-iskejjel; minflok, kull Stat Membru, fil-livell lokali u reġjonali, għandu jiddeċiedi huwa stess liema frott, ħaxix u prodotti tal-ħalib huma adatti biex jiġu provduti fl-iskejjel; |
22. |
jikkritika l-proposti li l-provvista tal-ħalib tal-programm il-ġdid tkun limitata esklużivament għall-ħalib tax-xorb; huwa tal-opinjoni li anke l-prodotti tal-ħalib mingħajr addittivi dannużi għandhom ikunu eliġibbli: prodotti tal-ħalib naturali (bl-ebda zokkor miżjud) bħall-jogurt u l-ġobon artab frisk; |
23. |
jinnota li l-limitazzjoni tal-firxa tal-prodotti mhux biss tnaqqas l-għażla tat-tfal u tagħmel il-programm inqas attraenti iżda twassal ukoll biex dawk it-tfal li għandhom intolleranza għal-lattosju iżda li jittolleraw prodotti tal-ħalib iffermentati bħall-jogurt ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm; |
24. |
jenfasizza l-importanza tal-kwalità ta’ prodotti provduti fil-qafas tal-programm ta’ għajnuna – kwistjoni li hija kważi minsija fir-Regolament; il-konsultazzjonijiet li saru mal-benefiċjarji, l-iskejjel kif ukoll mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi oħra wrew li sabiex jinkisbu kwantitajiet ikbar għall-istess prezz, u minħabba l-proċedura formali tal-akkwist sikwit saru kompromessi fil-kwalità tal-ikel li tqassam lit-tfal; |
25. |
għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri li jistabbilixxu standards minimi għall-kwalità tal-ikel imqassam fl-iskemi ta’ għajnuna u li tiġi żgurata konformità ma’ dawn l-istandards; |
26. |
jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jgħid li l-iskema tal-ħalib għall-iskejjel mhix effiċjenti ħafna u ma kisbitx ir-riżultati mistennija billi l-prodott sussidjat wisq probabbli xorta kien jiġi inkluż mal-ikla li tingħata l-iskola jew kien jinxtara mill-benefiċjarji anki mingħajr sussidju. Barra minn hekk it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ma qisux biżżejjed l-għanijiet edukattivi stabbiliti (3); |
27. |
għal din ir-raġuni u fir-rigward tal-valur tal-ħalib għat-tfal, jitlob lill-Istati Membri jevalwaw id-domanda għall-prodotti tal-ħalib li ser jitqassmu fil-programm għall-iskejjel u li l-appoġġ finanzjarju tal-UE jintuża biss biex biex il-ħwienet tal-ikel tal-iskejjel ikollhom provvista ta’ prodotti tal-ħalib konformi ma’ dieta tajba u livell għoli ta’ sustanzi; |
28. |
jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istatistika allarmanti li turi li fl-UE kollha, 22 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed (4) u 5 miljun huma saħansitra obeżi u li fl-2011 iċ-ċittadini adulti tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (5); f’dan il-kuntest jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-iskejjel bħala l-postijiet li jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja, biex jgħallmuhom dwar dieta tajba u jgħinuhom jiżviluppaw drawwiet ta’ dieta tajba; |
29. |
f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ħafna drabi jmexxu l-istabbilimenti edukattivi, fil-promozzjoni ta’ stil tajjeb ta’ ħajja u u jitlob li l-miżuri u l-kooperazzjoni fil-qasam jingħataw iktar prijorità; |
30. |
iqis b’mod pożittiv ir-rekwiżiti ta’ kwalità (6) fir-regolamenti fis-seħħ s’issa u jirrakkomanda li jinżammu u jissaħħu aktar – jekk ikun possibbli – fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-esperti tad-dieta; |
31. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja l-firxa ta’ inizjattivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej tas-saħħa (7), l-ambjent soċjali ġenerali huwa ta’ ħsara għal stil ta’ ħajja f’saħħtu: fl-2011 iċ-ċittadini tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (8); f’dan il-kuntest jesprimi d-dubji tiegħu dwar l-età massima stabbilita fl-iskema li tillimita l-programm għat-tfal ta’ bejn sitta u għaxar snin u jqis li dan mhux biżżejjed biex jiġu żviluppati drawwiet ta’ dieta tajba fiċ-ċirkustanzi diffiċli attwali; jirrakkomanda għalhekk li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-programm jiġi estiż biex jinkludi kemm it-tfal tal-crèche, il-kindergarten jew kwalunkwe faċilità oħra ta’ qabel l-iskola u t-tfal li għandhom iktar minn 10 snin; |
L-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent
32. |
jirreferi għall-aspetti relatati mal-iżvilupp sostenibbli tal-provvista tal-frott, ħaxix u ħalib u b’mod partikolari għall-impatti negattivi tat-trasportazzjoni tal-prodotti fuq l-ambjent u s-saħħa tal-popolazzjoni; f’dan il-kuntest jitlob li fil-qafas ta’ dan il-programm ta’ għajnuna jiġu provduti prodotti lokali jew manifatturati/ikkultivati fir-reġjuni tal-madwar; |
33. |
fir-rigward tal-aspetti relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-ħtieġa li titrawwem kultura ta’ konsum sostenibbli fost iċ-ċittadini tal-UE sa minn età żgħira, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu diskussjoni komprensiva bejn l-esperti u l-politiċi dwar l-istabbiliment ta’ possibbiltajiet legali biex jingħataw preferenza l-frott, il-ħaxix u l-prodotti tal-ħalib reġjonali, bil-possibbiltà ta’ derogi minn atti leġislattivi għall-akkwist pubbliku jew l-adattament tagħhom; |
34. |
jitlob li dawn il-programmi jagħmluha possibbli li tingħata prijorità lill-produzzjonijiet lokali u kummerċjali b’ċirkwit qasir, u li tingħata wkoll prijorità għall-prodotti mill-agrikoltura bijoloġika; |
Effetti edukattivi potenzjali
35. |
jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istatistika allarmanti li turi li fl-UE kollha, 22 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed u 5 miljun huma saħansitra obeżi u li fl-2011 iċ-ċittadini adulti tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (9); f’dan il-kuntest jenfasizza li l-iskejjel jaqdu rwol importanti biex jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja u biex jistimulaw l-iżvilupp ta’ drawwiet ta’ dieta tajba; |
36. |
f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ħafna drabi jmexxu l-istabbilimenti edukattivi, fil-promozzjoni ta’ stil tajjeb ta’ ħajja u jitlob li jingħata rwol akbar lill-azzjoni u kooperazzjoni f’dan il-qasam; |
37. |
jirreferi għall-impatt edukattiv potenzjali tal-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib li jeduka aktar liż-żgħażagħ kemm dwar l-UE kif ukoll dwar l-agrikoltura, biex il-konsumaturi u l-produtturi lokali tal-ikel joqorbu aktar lejn xulxin u biex tiġi promossa agrikoltura lokali rispettuża għall-ambjent, it-trobbija tal-bhejjem, l-ikel tajjeb għas-saħħa u dak li mhuwiex, dieta bbilanċjata, il-konnessjoni bejn l-ikel ikkonsmat u s-saħħa tagħhom stess u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; u jilqa’ l-possibbiltà proposta permezz tal-fondi tal-programm il-ġdid li jiġu ffinanzjati wkoll miżuri ta’ akkumpanjament bħal pereżempju għas-sensibilizzazzjoni tal-benefiċċji ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u neċessarju; |
38. |
jirreferi għar-riżultati ta’ xi studji xjentifiċi li juru li l-proliferazzjoni tal-ikel mhux tajjeb għas-saħħa u l-obeżità jistgħu biss jiġu miġġielda b’suċċess permezz ta’ miżuri sofistikati fejn kemm l-iskejjel, il-ġenituri, kif ukoll is-soċjetà jkunu involuti fl-edukazzjoni nutrizzjonali tat-tfal; f’dan ir-rigward iqis li kampanja ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni immirata lejn dawn il-gruppi hija parti integrali mill-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel (10); |
39. |
huwa u jikkunsidra t-tendenzi attwali żviluppati mis-soċjetà tal-konsum dwar il-konsum ta’ prodotti ppreżentati u ppakkjati b’mod li jolqot l-għajn u fid-dawl tal-fatt li l-preżentazzjoni attraenti sikwit hija assoċjata mal-konsum ta’ sustanzi li l-effett tagħhom fuq is-saħħa mhuwiex magħruf u fid-dawl tal-programm analizzat, jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-informazzjoni dwar ikel mhux ipproċessat u dwar il-benefiċċji tan-nutrijenti li jinkludi; |
40. |
jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni li għall-kuntrarju ta’ dak li sar fil-każ tal-iskema tal-ħaxix, s’issa ftit ġew implimentati miżuri edukattivi relatati mal-iskema tal-ħalib (11), u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma f’pożizzjoni li jwettqu dawn il-miżuri b’mod effiċjenti billi jadottawhom għall-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-tfal ta’ kull lokalità jew reġjun; |
41. |
fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-fatt li l-programmi ta’ edukazzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li l-intervent tal-UE jista’ ma jkunx adatt, jipproponi li l-attivitajiet kollha ta’ taħriġ assoċjati mal-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel jitwettqu prinċipalment fil-livell nazzjonali. u li ma jiġi impost l-ebda livell minimu ta’ finanzjament. |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI
Emenda 1
Artikolu 23(2)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
(2) L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-paragrafu 1 (“l-iskema għall-iskejjel”) jistgħu jqassmu l-frott jew il-ħaxix inklużi l-banana jew il-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0401, jew it-tnejn li huma. |
(2) L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-paragrafu 1 (“l-iskema għall-iskejjel”) jistgħu jqassmu l-frott jew il-ħaxix inklużi l-banana jew il-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0401, jew prodotti oħra tal-ħalib mingħajr zokkor bħall-jogurt (li la jkunu aromatizzati u lanqas ikun fihom frott, lewż jew kawkaw NM 0403 10 11 sa 0403 10 39) jew ġobon artab u baqta (NM 0406) jew it-tnejn li huma. |
Raġuni
Ara punt 21 tal-Abbozz ta’ opinjoni.
Emenda 2
Artikolu 23 (3)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
(3) Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom ifasslu, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull 6 snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista’ tiġi emendata minn Stat Membru, b’mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. L-istrateġija tal-inqas għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ prijoritajiet, il-popolazzjoni fil-mira, ir-riżultati mistennija u l-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u jistabbilixxu l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi. |
(3) Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom ifasslu, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull 6 snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista’ tiġi emendata minn Stat Membru, b’mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni interim. L-istrateġija tal-inqas għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ prijoritajiet, il-popolazzjoni fil-mira, ir-riżultati mistennija u l-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u jistabbilixxu l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi. |
Raġuni
Tenttativ għall-armonizzazzjoni amministrattiva tal-proċedura. Ara wkoll punt 10 tal-Abbozz ta’ opinjoni.
Emenda 3
Artikolu 23 a (8)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
(8) L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-postijiet fejn jitqassam l-ikel, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fl-istabbilimenti edukattivi. |
(8) L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-postijiet fejn jitqassam l-ikel, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fl-istabbilimenti edukattivi. |
Emenda 4
Artikolu 24 (1)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta’ dieta bnina għat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel hija mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar: |
Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta’ dieta bnina għat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel hija mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar: |
Raġuni
Ara punt 11 tal-Abbozz ta’ opinjoni.
Brussell, 7 ta’ Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Huma effettivi l-iskemi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-Iskejjel?”, ECA/11/35, 24.10.2011.
(2) Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.
(3) Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Huma effettivi l-iskemi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-Iskejjel?”, ECA/11/35, 24.10.2011.
(4) School Fruit Scheme, http://ec.europa.eu/agriculture/sfs/european-commission/index_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti)
(5) Minkejja żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp
(6) Dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ħalib: il-persentaġġ skont il-piż tal-ħalib m’għandux ikun inqas minn 90 % tal-prodott, il-kontenut taz-zokkor huwa limitat (għal inqas minn 7 %), il-frott u l-ħaxix għandhom jikkorrespondu mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-UE, huwa projbit li jiżdied iz-zokkor fil-meraq magħsur.
(7) Fit-30 ta’ Mejju 2007 il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper “L-alimentazzjoni, il-piż żejjed, l-obeżità: Strateġija għall-Ewropa”.
(8) Minkejja żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp
(9) Minkejja żieda ta’ 2 % metaq mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp
(10) Public Health Nutr. Ottubru 2009. 12(10):1735-42. doi: 10.1017/S1368980008004278. Epub 2008 Diċembru 23. Downward trends in the prevalence of childhood overweight in the setting of 12-year school- and community-based programmes. [Tendenzi negattivi fil-prevalenza tal-obeżità fit-tfulija fit-tfassil ta’ programmi fuq perjodu ta’ tnax-il sena bbażati fuq il-komunità u l-iskejjel].
(11) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi – COM(2014) 32 final, 30.1.2014.
20.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/37 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol mhux Iddikjarat
2014/C 415/08
Relatur |
is-Sur Dainis Turlais (Latvja, ALDE)President tal-Kummissjoni tas-sigurtà, il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-kwistjonijiet tal-ordni pubbliku, Kunsill Muniċipali ta' Riga |
Dokument ta' referenza |
Proposta għal Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat COM(2014) 221 final |
I. PUNTI ĠENERALI
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jagħraf li jeħtieġ li l-ġlieda kontra dan il-fenomenu tkun koordinata u konġunta sabiex fl-Unjoni Ewropea jinżammu standards għoljin ta' impjieg, jiġu evitati konsegwenzi soċjali u ekonomiċi ibsin u jiġu riżolti l-problemi marbuta mal-mobbiltà tal-ħaddiema, kif ukoll jintuża l-kapital uman b'mod iktar komplet u effikaċi; |
2. |
jappoġġja l-proposta li fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjattaforma jiġi inkluż ix-xogħol indipendenti fittizju. Dan huwa essenzjali peress li x-xogħol indipendenti dikjarat b'mod falz, fejn l-għan huwa li jiġu evitati l-obbligi legali jew fiskali, jipproduċi effetti ħżiena simili għal dawk tax-xogħol mhux iddikjarat, b'mod partikolari fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-finanzjament tagħhom fuq medda twila ta' żmien; |
3. |
jirrikonoxxi li l-Pjattaforma Ewropea proposta biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat tikkostitwixxi kontribut konkret għall-isforzi li qed isiru bħalissa sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi bil-għan mhux biss li tiżdied ir-rata tal-impjieg u jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 iżda wkoll sabiex titjieb il-kwalità tal-impjieg u tas-sigurtà fuq il-post ix-xogħol fl-Unjoni Ewropea; |
4. |
jirrimarka li r-rapport tal-Eurofound (1) jisħaq li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-programmi ta' awsterità (fis-sens wiesa' tal-kelma) u d-daqs u l-iżvilupp tal-ekonomija mhux iddikjarata. Għaldaqstant jiddispjaċih li hemm distakk bejn id-dgħufija tal-ekonomiji li jużaw miżuri ta' awsterità u l-potenzjal tal-ekonomiji possibbli permezz tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat; |
5. |
huwa tal-istess fehma tal-Kumissjoni li tqis li x-xogħol mhux iddikjarat għandu implikazzjonijiet baġitarji serji minħabba li jinvolvi tnaqqis fid-dħul fiskali u tas-sigurtà soċjali, u għaldaqstant għandu impatti negattivi fuq l-impjiegi, il-produttività u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u fuq it-tagħlim tul il-ħajja. Dan iwassal għal drittijiet aktar baxxi tal-pensjoni u anqas aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa jisħaq li x-xogħol mhux iddikjarat huwa theddida serja għall-koeżjoni soċjoekonomika; |
6. |
jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet huma ta' importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li t-tnaqqis fid-dħul fiskali għandu impatt negattiv fuq id-dħul baġitarju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali filwaqt li jżid l-infiq tagħhom maħsub sabiex jiggarantixxi l-bżonnijiet bażiċi taċ-ċittadini. Ix-xogħol mhux iddikjarat għandu l-effett fit-terminu qasir u twil li jnaqqas il-pagi fis-suq tax-xogħol affettwat, u għal dawk il-persuni li jaħdmu b'dan il-mod, dan ifisser in-nuqqas ta' kura tas-saħħa diretta, ta' sigurtà soċjali kif ukoll pensjoni mnaqqsa b'mod sinifikanti meta mqabbla ma' dik ta' min hu impjegat legalment. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali kkonċernati mill-problema tax-xogħol mhux iddijarat ikollhom anqas possibbiltà li jestendu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu liċ-ċittadini u jtejbu l-kwalità b'mod sostenibbli; |
7. |
jiddeplora l-fatt li fil-proposta tal-Kummissjoni ma tissemmiex l-importanza li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Kumitat tar-Reġjuni stess, u jtenni li sikwit il-livell lokali u reġjonali huwa l-eqreb ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol u ta' ħafna mill-impjegaturi u li s-suq tax-xogħol huwa b'mod predominanti suq lokali (2); |
8. |
f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, meta tqis il-kooperazzjoni li diġà tinsab fis-seħħ bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, dawk tal-ħaddiema jew il-korpi għall-impjieg, kif ukoll il-prattiki tajbin f'dan il-qasam żviluppati fil-livelli lokali u reġjonali. Fil-fatt, azzjoni min-naħa tal-atturi lokali hija deċiżiva għas-suċċess tal-pjattaforma, fid-dawl tal-fatt li huma jsegwu mill-qrib il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u jifhmuhom l-aħjar. Skont dak li hu previst li jsir bin-netwerk tal-EURES, nistgħu ninkludu wkoll is-sħubiji tas-soċjetà ċivili bil-għan li jitwessa' l-ambitu tal-pjattaforma; |
9. |
huwa tal-fehma li l-pjattaforma, maħsuba għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattiki tajbin u d-definizzjoni ta' prinċipji komuni, tista' ġġib magħha valur miżjud importanti fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u għall-ħtieġa li jintużaw b'mod aktar effikaċi r-riżorsi umani u ekonomiċi disponibbli. Il-pjattaforma għandha l-possibbiltà li tippromovi pjanifikazzjoni koerenti tal-miżuri li jridu jiġu adottati għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li, madankollu, jitqies il-karattru ġeneralizzat tal-fenomenu kif ukoll niftakru li l-eliminazzjoni tiegħu teħtieġ li jiġu applikati miżuri speċifiċi mmirati; |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
10. |
għandu riżervi dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tiġġustifikax b'mod aktar sostanzjali l-kompatibilità bejn l-obbligu propost tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-pjattaforma mal-bażi legali tal-proposta, l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jippermetti biss miżuri intiżi sabiex iħajru koperazzjoni bejn l-Istati Membri; jinnota wkoll li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità hija limitata għall-ġustifikazzjoni tal-għażla tal-istrument legali (Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u ssemmi l-valur miżjud ġenerali tal-proposta minflok ma tiġġustifika l-parteċipazzjoni obbligatorja fil-pjattaforma; għalhekk, il-KtR jesprimi riżervi dwar il-konformità tan-natura obbligatorja tal-proposta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; |
11. |
jinsisti dwar il-ħtieġa li ma jkunx hemm dewmien fl-applikazzjoni ta' miżuri effikaċi u aċċessibbli. Dan għandu jseħħ fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju; |
12. |
jinnota li sabiex jitwettqu b'mod effettiv l-għanijiet tal-pjattaforma, jeħtieġ li nibbażaw fuq l-għarfien u l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li dawn jikkooperaw mas-servizzi tal-impjieg, il-korpi tas-sigurtà soċjali, il-partijiet konċernati u n-netwerks formali u informali taċ-ċittadini u dawn għandhom esperjenza diretta u għarfien li għandu x'jaqsam mal-kwistjoni tal-eżistenza tal-ekonomija moħbija fil-livelli lokali u reġjonali; |
13. |
jenfasizza li meta tadotta strateġiji ta' livell reġjonali jew Ewropew sabiex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat, il-pjattaforma għandha tikkollabora mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ma jkunux f'kuntradizzjoni ma' dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u biex ma jwasslux għal spejjeż finanzjarji u amministrattivi supplementari. Għalhekk għandha tiġi garantita flessibbiltà ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f'termini tan-natura tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet li jsiru mill-pjattaforma; |
14. |
jindika li x-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu partikolarment negattiv: iċaħħad lill-ħaddiem mill-possibbiltà li jibbenefika minn kura tas-saħħa adegwata f'każ li jisfa vittma ta' inċident fuq ix-xogħol, jimrad jew isofri minn marda marbuta mal-professjoni, kif ukoll li jibbenefika mill-għajnuna soċjali pubblika li għandu d-dritt għaliha kull min għandu assigurazzjoni soċjali; ix-xogħol mhux iddikjarat jesponi lill-ħaddiem ukoll għar-riskju tal-faqar meta jasal fl-età li jirtira. Barra minn hekk, dan kollu jnaqqas ukoll il-finanzjament disponibbli biex jiġu estiżi s-servizzi pubbliċi u titjieb il-kwalità. Barra minn hekk, ta' spiss huma n-nisa u ż-żgħażagħ li jkunu implikati fix-xogħol mhux iddikjarat, sitwazzjoni li hija kompletament inaċċettabbli għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea; |
15. |
jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-ħtieġa li jiġu promossi kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni għal sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-aspetti negattivi tax-xogħol mhux iddikjarat sabiex il-gruppi differenti taċ-ċittadini, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, jiġu informati b'mod effikaċi dwar il-firxa ta' dan il-fenomenu u dwar ir-riperkussjonijiet negattivi għall-ekonomiji nazzjonali u l-livell tal-għajxien taċ-ċittadini, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali tul il-ħajja kollha kif ukoll il-possibbiltajiet li jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iwessgħu l-firxa ta' servizzi li joffru u jtejbu l-kwalità tagħhom. Huwa jenfasizza li r-responsabbiltà hija f'idejn l-individwu u anke l-impjegatur potenzjali; |
16. |
jinnota kif minħabba r-rabta diretta li dawn għandhom mal-popolazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom mal-impjegaturi li jinsabu fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jekk jirċievu appoġġ nazzjonali, jistgħu jagħmlu kontribut sinifikanti fl-identifikazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat u jgħinu lill-ħaddiema, b'mod partikolari l-aktar gruppi vulnerabbli, sabiex jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol iddikjarat; |
17. |
josserva li jeħtieġ mhux biss li niġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat iżda wkoll innaqqsu l-ġibda lejn dan it-tip ta' attività u nippromovu l-impjieg legali bi tnaqqis fl-ispejjeż fiskali u amministrattivi, fejn adatt; |
18. |
itenni li jeħtieġ li niġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat billi nikkunsidraw il-kuntest usa' tal-migrazzjoni, peress li l-possibbiltà li wieħed jagħmel xogħol ta' dan it-tip hija wieħed mill-fatturi li jħeġġu l-fluss tal-migranti illegali u l-isfruttament tagħhom fis-suq tax-xogħol (3); |
Atturi, għanijiet u attivitajiet tal-pjattaforma
19. |
jilqa' l-fatt li ser ikunu assoċjati mal-pjattaforma, bħala osservaturi, l-imsieħba soċjali, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u l-Istati taż-ŻEE, u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa, jingħata dan l-istess statut ta' osservatur, b'kunsiderazzjoni għall-Artikolu 1(3) tal-proposta; |
20. |
huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġi evitat ir-rikors għal approċċ minn isfel għal fuq u li tittieħed azzjoni fuq il-kawżi soċjali tax-xogħol mhux iddikjarat fil-livell lokali billi l-azzjonijiet jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ġeografiċi differenti; |
21. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jintużaw strumenti effikaċi għall-ħidmiet tal-pjattaforma: bank ta' għarfien, fiduċja reċiproka u akkumulazzjoni ta' esperjenzi, taħriġ komuni u skambju ta' persunal, jew anki linji gwida u prinċipji ta' funzjonament komuni. Fil-kuntest ekonomiku attwali, dawn il-forom ta' kollaborazzjoni jassumu importanza partikolari billi joffru l-possibbiltà li r-riżorsi umani u finanzjarji jintużaw bl-aktar mod effikaċi; |
22. |
jenfasizza l-importanza li jiġu promossi proġetti fi ħdan u bejn l-Istati Membri għall-iskambju tad-data fost korpi pubbliċi li jaħdmu fil-qasam tal-impjieg u l-għajnuna soċjali bil-għan li jkun hemm għarfien aħjar tal-problema u li jiġu esposti iżjed faċilment il-każi ta' frodi; |
23. |
jappoġġja l-intenzjoni espressa li jiġu organizzati kampanji dwar ix-xogħol mhux iddikjarat fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi sabiex il-popolazzjoni tiġi inforamta dwar id-danni li x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju jagħmlu lis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, lis-sistemi tas-sigurtà soċjali, lill-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali, u għaldaqstant lis-soċjetà kollha kemm hi. Minħabba d-dimensjoni li għandu bħalissa l-Ewroxettiċiżmu fl-Ewropa, ikun partikolarment importanti li jitjieb l-għarfien tas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali dwar il-vantaġġi li jinkisbu kieku l-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri jkunu koordinati fil-livell Ewropew; |
24. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, jew lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom tul il-proċess sabiex f'kull Stat Membru jinħatar punt ta' kuntatt uniku, bħala membru tal-pjattaforma, kif ukoll sostitut possibbli; |
25. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-punti ta' kuntatt tagħhom sabiex jiddeterminaw b'mod ċar ir-rappreżentanti pertinenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew tal-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom li magħhom ser ikollhom djalogu strutturat u jiskambjaw b'mod regolari informazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat sabiex b'hekk jiżguraw li r-rappreżentanti tal-livell nazzjonali jkollhom aċċess għall-għarfien u l-esperjenzi miksuba fil-livell lokali u reġjonali. Dan l-approċċ jiżgura b'hekk li l-informazzjoni dwar il-progress imwettaq fil-livell tal-Istati u dak tal-Unjoni Ewropea jasal ukoll sal-livelli lokali u nazzjonali. |
Miżuri oħra
26. |
huwa tal-fehma li l-istrumenti użati mill-pjattaforma għandhom ikunu aċċessibbli wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu imsieħba effikaċi għall-awtoritajiet nazzjonali fil-kwistjoni tal-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat; |
27. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Eurostat sabiex jiġbru u jipproċessaw għadd akbar ta' data u data ta' kwalità ogħla dwar ix-xogħol mhux iddikjarat, inkluż dak fil-livell lokali u reġjonali, sabiex b'hekk jitjieb il-fehim dwar din il-problema u jsir kontribut għar-riżoluzzjoni tagħha; |
28. |
jenfasizza li huwa importanti li jkun żgurat li l-għan tal-iżvilupp ta' għodod ta' valutazzjoni, ta' indikaturi u ta' analiżijiet komparattivi konġunti ma jkunx li tiġi valutata s-sitwazzjoni tal-Istati Membri differenti b'mod kompetittiv, billi jitqiegħdu fi klassifikazzjoni f'dan il-qasam, anzi li dawn l-inizjattivi jikkostitwixxu mezzi li jippermettu l-identifikazzjoni tax-xogħol mhux iddikjarat, jiġu formulati rakkomandazzjonijiet u jitjieb l-għarfien dwar dan il-fenomenu ta' dan it-tip ta' xogħol fl-UE; |
29. |
jassoċja ruħu mat-talba mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 biex il-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tniedi u, fejn meħtieġ, tpoġġi għad-dispożizzjoni karta Ewropea tas-sigurtà soċjali li tiġbor fiha d-dettalji neċessarji għall-monitoraġġ tan-natura tax-xogħol tad-detentur, pereżempju dettalji dwar l-istat tal-assigurazzjoni soċjali u l-ħinijiet tax-xogħol; |
30. |
jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jsaħħu r-riżorsi tal-ispezzjonijiet tagħhom tax-xogħol sabiex jilħqu l-għan li jkun hemm spettur għal kull 10,000 ħaddiem, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO, speċjalment permezz ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali għat-tisħiħ tal-miżuri ta' spezzjoni tax-xogħol li, fejn ikun hemm bżonn jistgħu jibbenefikaw minn kofinanzjamenti mill-Fondi Strutturali Ewropej; |
31. |
jitlob lill-Kummissjoni tipproponi direttiva li tistabbilixxi standards minimi dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol biex jiġu implimentati fl-Istati Membri abbażi tal-Konvenzjoni Nru 81 tal-ILO. Din id-direttiva għandha tistabbilixxi l-mod kif taħdem is-sistema għall-ispezzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ transkonfinali tal-ispetturi tax-xogħol, kif ukoll is-setgħat u l-obbligi tagħhom; |
III. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI
Emenda 1
Artikolu 1(3)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||
3) Dawn li ġejjin jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma bħala osservaturi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha: |
3) Dawn li ġejjin jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma bħala osservaturi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli ta’ proċedura tagħha: |
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
Raġuni
Minħabba n-natura lokali tas-suq tax-xogħol u l-attivitajiet li, fost dawk previsti fil-kuntest tal-funzjonijiet tal-pjattaforma, għandhom dimensjoni lokali u reġjonali, bħall-adozzjoni ta' strateġija reġjonali, huwa essenzjali li rappreżentant maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-pjattaforma, sabiex jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri.
Emenda 2
Artikolu 4(1)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||
(1) Biex twettaq il-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha b’mod partikulari twettaq il-kompiti li ġejjin: |
1) Biex twettaq il-missjoni tagħha, il-Pjattaforma għandha b’mod partikulari twettaq il-kompiti li ġejjin: |
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
||||
|
|
Raġuni
L-effikaċja operattiva tal-pjattaforma tista' tiġi żgurata permezz ta' deċiżjonijiet opportuni bbażati fuq elementi stabbiliti sew. Għal dan il-għan jeħtieġ li jkun hemm disponibbli bażi vasta ta' data komparabbli u kwalitattiva, fejn it-twaqqif tagħha għandu jirrappreżenta wieħed mill-ewwel azzjonijiet tal-pjattaforma sabiex din tkun tista' twettaq b'suċċess il-missjoni tagħha.
Emenda 3
Artikolu 5(2)
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
2) Meta jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi kollha li għandhom rwol fil-prevenzjoni u/jew l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet fiskali, is-servizzi tal-impjieg u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, minn hawn ’il quddiem msejħa l-“awtoritajiet tal-infurzar”. Jistgħu wkoll, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu l-imsieħba soċjali. |
2) Meta jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinvolvu l-awtoritajiet pubbliċi kollha li għandhom rwol fil-prevenzjoni u/jew l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat, bħall-ispettorati tax-xogħol, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali, l-awtoritajiet fiskali, is-servizzi tal-impjieg u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni, minn hawn ’il quddiem msejħa l-“awtoritajiet tal-infurzar”. Jistgħu wkoll, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjali. |
Raġuni
Minħabba r-rabtiet diretti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom maċ-ċittadini u l-kooperazzjoni li għandhom mal-impjegaturi u mal-amministrazzjonijiet inkarigati mill-kwistjonijiet tal-impjieg, tax-xogħol mhux iddikjarat u tas-sigurtà soċjali, huwa essenzjali li niffukaw ukoll fuq il-kontribut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar il-problemi marbuta max-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll sabiex ifittxu u jimplimentaw soluzzjonijiet f'dan il-qasam.
Brussell, 7 ta' Ottubru 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Michel LEBRUN
(1) http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2013/243/en/1/EF13243EN.pdf
(2) Opinjoni CdR5278-2013 dwar il-“Kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi”.
(3) Opinjoni CdR 9/2012 fin dwar “Migrazzjoni u mobilità — approċċ globali”.