ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 349

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
3 ta' Ottubru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

2014/C 349/01

Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 9/2014 fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom
Adottat mill-Kunsill fit-23 ta’ Lulju 2014
 ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

3.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/1


POŻIZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 9/2014 FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom

Adottat mill-Kunsill fit-23 ta’ Lulju 2014

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2014/C 349/01

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxu qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM), li huwa applikabbli fl-intier tiegħu għall-OĠM li jintużaw għal skopijiet ta' kultivazzjoni madwar l-Unjoni kollha bħala żerrigħat jew materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti ("OĠM għall-kultivazzjoni").

(2)

Taħt dak il-qafas legali, l-OĠM għall-kultivazzjoni għandha ssirilhom valutazzjoni tar-riskju individwali qabel ma jiġu awtorizzati biex jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni f'konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE. L-għan ta' dik il-proċedura ta' awtorizzazzjoni hu li jiżgura livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumatur, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern. Għandu jinkiseb, u jinżamm fl-Unjoni kollha, livell għoli uniformi ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

(3)

Minbarra l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħdu fis-suq, jeħtieġ ukoll li l-varjetajiet ġenetikament modifikati jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti, kif stabbilit b'mod partikolari fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (6), 66/402/KEE (7), 68/193/KEE (8), 98/56/KE (9), 99/105/KE (10), 2002/53/KE (11), 2002/54/KE (12), 2002/55/KE (13), 2002/56/KE (14), 2002/57/KE (15) u 2008/90/KE (16). Fost dawk id-Direttivi, id-Direttivi 2002/53/KE u 2002/55/KE fihom dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri biex jipprojbixxu, f'ċerti kondizzjonijiet iddefiniti tajjeb, l-użu ta' varjetà fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu jew li jistabbilixxu kondizzjonijiet adegwati għall-kultivazzjoni ta' varjetà.

(4)

Ladarba OĠM jkun awtorizzat għal skopijiet ta' kultivazzjoni f'konformità mal-qafas legali tal-Unjoni dwar l-OĠM u jikkonforma, fir-rigward tal-varjetà li għandha titqiegħed fis-suq, mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati biex jipprojbixxu, jirrestrinġu, jew jimpedixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tagħhom, ħlief f'kondizzjonijiet iddefiniti mil-liġi tal-Unjoni.

(5)

L-esperjenza wriet li l-kultivazzjoni ta' OĠM hija kwistjoni li tiġi indirizzata aktar fil-fond fil-livell tal-Istati Membri. Il-kwistjonijiet relatati mat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-OĠM għandhom jibqgħu regolati fil-livell tal-Unjoni biex jiġi ppreservat is-suq intern. Madankollu, il-kultivazzjoni tista' teħtieġ aktar flessibbiltà f'ċerti sitwazzjonijiet billi hija kwistjoni b'dimensjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali b'saħħithom minħabba r-rabta tagħha mal-użu tal-art, l-istrutturi agrikoli lokali u l-protezzjoni jew iż-żamma tal-abitati, l-ekosistemi u l-pajsaġġi. Il-proċedura ta' awtorizzazzjoni uniformi, b'mod partikolari l-proċess ta' valutazzjoni ma għandux jiġi affettwat ħażin minn tali flessibbiltà.

(6)

Biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM, xi Stati Membri rrikorrew għall-klawżoli ta' salvagwardja u l-miżuri ta' emerġenza skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 bħala r-riżultat ta' informazzjoni ġdida jew addizzjonali, skont xi jkun il-każ, li saret disponibbli wara d-data tal-kunsens u li taffettwa l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali jew il-valutazzjoni mill-ġdid ta' informazzjoni eżistenti. Stati Membri oħrajn użaw il-proċedura ta' notifika stabbilita fl-Artikolu 114(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li titlob li jitressqu provi xjentifiċi ġodda relatati mal-protezzjoni tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Barra minn hekk, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kien partikolarment diffiċli fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM, fid-dawl tal-espressjoni ta' tħassib nazzjonali li mhuwiex marbut biss mas-sikurezza tal-OĠM għas-saħħa jew l-ambjent.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 2(2) tat-TFUE, l-Istati Membri huma għaldaqstant intitolati għall-possibbiltà li jiddeċiedu, waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni jew wara, biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju tagħhom bl-effett li jeskludu l-kultivazzjoni ta' OĠM speċifiku fit-territorju kollu jew parti minnu ta' dak l-Istat Membru. F'dan il-kuntest, jidher xieraq li lill-Istati Membri tingħatalhom, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, aktar flessibbiltà li jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkultivaw uċuħ tar-raba' OĠM fit-territorju tagħhom jew le mingħajr ma jaffettwaw il-valutazzjoni tar-riskju pprovduta fis-sistema tal-awtorizzazzjonijiet ta' OĠM mill-Unjoni, kemm waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni kif ukoll wara, u independenti mill-miżuri li l-Istati Membri huma intitolati li jieħdu bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta' OĠM fi prodotti oħra. L-għoti ta' dik il-possibbiltà lill-Istati Membri għandha tiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-OĠM. Fl-istess ħin, il-libertà tal-għażla għall-kosumaturi, il-bdiewa u l-operaturi għandha tiġi ppreservata filwaqt li tingħata aktar ċarezza lill-partijiet interessati affettwati dwar il-kultivazzjoni ta' OĠM fl-Unjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tiffaċilita l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(8)

Waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' OĠM partikolari, għandha tiġi pprovduta l-possibbiltà li Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lin-notifikatur/applikant it-talba tiegħu biex jaġġusta l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni tiegħu ppreżentata f'konformità mal-Parti C tad-Direttiva 2001/18/KE jew f'konformità mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 bl-effett li t-territorju kollu ta' dak l-Istat Membru jew parti minnu jiġu esklużi mill-kultivazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-proċedura billi tippreżenta t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant mingħajr dewmien u n-notifikant/applikant għandu jwieġeb għal dik it-talba fi żmien skadenza stabbilita.

(9)

L-ambitu ġeografiku tan-notifika/lapplikazzjoni għandu jiġu aġġustat skont il-każ jekk in-notifikatur/applikant b’mod espliċitu jew taċitu jaqbel mat-talba tal-Istat Membru fi żmien skadenza stabbilita mill-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' dik it-talba. Jekk in-notifikatur/applikant jopponi t-talba, in-notifikatur/applikant għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Madankollu, rifjut min-notifikatur/applikant li jaġġusta l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18/KE jew l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-każ, li tagħmel dan l-aġġustament, fejn ikun il-każ, fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali li ssir mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel ('l-Awtorità').

(10)

Barra minn hekk, u biss fejn in-notifikatur/applikant ikun irrifjuta li jaġġusta l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni ta' OĠM kif mitlub minn Stat Membru, għandu jkun hemm il-possibbiltà li dak l-Istat Membru jadotta miżuri motivati li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' dak l-OĠM ladarba jkun awtorizzat fit-territorju tiegħu jew parti minnu, abbażi ta' raġunijiet differenti minn dawk ivvalutati skont is-sett armonizzat ta' regoli tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jinsabu f'konformità mad-dritt tal-Unjoni. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jkunu relatati ma' objettivi tal-politika ambjentali jew agrikola, jew raġunijiet aċċettabbli oħra bħall-ippjanar tal-bliet u l-kampanja, l-użu tal-art, l-impatti soċjoekonomiċi, il-koeżistenża u l-ordni pubbliku. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jiġu invokati individwalment jew flimkien, skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istat Membru, ir-reġjun jew iż-żona li fiha dawk il-miżuri ser japplikaw.

(11)

Il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u tal-ambjent magħżul fl-Unjoni jippermetti valutazzjoni xjentifika uniformi fl-Unjoni kollha u din id-Direttiva ma għandhiex tibdel dik is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata kull interferenza mal-kompetenzi mogħtija lill-valutaturi tar-riskju u lill-amministraturi tar-riskju taħt id-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) 1829/2003, Stat Membru għandu juża biss raġunijiet relatati mal-objettivi tal-politika ambjentali li ma joħolqux konflitt mal-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent li huma vvalutati fil-kuntest tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni previsti fid-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) 1829/2003, bħaż-żamma ta' ċerti tipi ta' karatteristiċi naturali u tal-pajżaġġ, ċerti abitati u ekosistemi, kif ukoll funzjonijiet u servizzi speċifiċi tal-ekosistema.

(12)

L-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet li jadottaw skont id-Direttiva 2001/18/KE għal raġunijiet li jikkonċernaw impatti soċjoekonomiċi li jistgħu jirriżultaw mill-kultivazzjoni ta' OĠM fuq it-territorju ta' Stat Membru kkonċernat. Filwaqt li ġew indirizzati miżuri ta' koeżistenza mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 (17), għandu jkun hemm ukoll il-possibbiltà li Stat Membru jadotta miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM awtorizzati fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu taħt din id-Direttiva. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jkunu relatati mal-imprattikabbiltà jew l-impossibbiltà li jiġu implimentati miżuri ta' koeżistenza minħabba kondizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, il-ħtieġa li tiġi evitata l-preżenza ta' OĠM fi prodotti oħra bħal prodotti speċifiċi jew partikolari, il-ħtieġa li tiġi protetta d-diversità tal-produzzjoni agrikola, jew il-ħtieġa li tiġi żgurata il-purezza taż-żerrigħat u l-materjal riproduttiv tal-pjanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, kif ġiet mitluba fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2008 dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati, irrappurtat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-OĠM. L-eżitu ta' dak ir-rapport jista' jipprovdi informazzjoni ta' valur lill-Istati Membri li jikkunsidraw jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta' din id-Direttiva.

(13)

Ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva għandhom jirreferu għall-kultivazzjoni u mhux għaċ-ċirkolazzjoni u l-importazzjoni ħielsa ta' żerrigħat u materjal riproduttiv tal-pjanti ġenetikament modifikati, bħala prodotti jew ġo fihom, u l-prodotti tal-ħsad tagħhom u barra minn hekk għandhom ikunu f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bejn prodotti nazzjonali u dawk mhux nazzjonali, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-Artikolu 34, l-Artikolu 36 u l-Artikolu 216(2) tat-TFUE.

(14)

Il-miżuri tal-Istati Membri adottati skont din id-Direttiva għandhom ikunu soġġetti għal proċedura ta' skrutinju u informazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Fid-dawl tal-livell ta' skrutinju u informazzjoni mill-Unjoni, mhuwiex meħtieġ li jsir provvediment ukoll għall-applikazzjoni tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni tal-Unjoni u mhux aktar tard minn sentejn wara d-data meta jingħataw il-kunsens/awtorizzazzjoni, kemm-il darba jkun skada perjodu ta’ waqfien stabbilit li matulu l-Kummissjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta dwar il-miżuri proposti.

(15)

Id-deċiżjonijiet li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM minn Stati Membri fit-territorju kollu tagħhom jew parti minnu m'għandhomx iwaqqfu milli ssir riċerka dwar il-bijoteknoloġija bil-kondizzjoni li, fit-twettiq ta’ din ir-riċerka, jitħarsu l-miżuri kollha ta' sikurezza meħtieġa.

(16)

Meta ċirkostanzi ġodda u oġġettivi jiġġustifikaw emenda għall-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni ta' OĠM, u fi kwalunkwe każ mhux qabel sentejn mid-data meta jingħata l-kunsens/awtorizzazzjoni, Stat Membru għandu jkun jista' jitlob permezz tal-Kummissjoni lid-detentur tal-kunsens/awtorizzazzjoni jaġġusta l-ambitu ġeografiku tiegħu. Jekk id-detentur tal-kunsens/awtorizzazzjoni ma jaqbilx, b'mod espliċitu jew taċitu, l-Istat Membru għandu jingħata l-possibbiltà li jadotta miżuri motivati li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' dak l-OĠM. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika abbozz ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni mill-inqas 75 jum qabel l-adozzjoni tagħhom, biex il-Kummissjoni tingħata l-opportunità li tikkummenta, u għandu joqgħod lura milli jadotta u jimplimenta dawk il-miżuri matul dak il-perjodu. Meta jiskadi l-perjodu ta' waqfien stabbilit, l-Istat Membru għandu jkun jista’ jadotta l-miżuri kif oriġinarjament proposti jew emendati biex jittieħed kont tal-kummenti tal-Kummissjoni.

(17)

Stat Membru għandu jkun jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti jew lill-Kummissjoni biex jintegraw mill-ġdid it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu fl-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni li minnha kien eskluż qabel. F’dak il-każ, m’għandu jkun hemm ebda ħtieġa li t-talba tintbagħat lid-detentur tal-kunsens/awtorizzazzjoni u jintalab il-qbil tiegħu. L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub jew il-Kummissjoni taħt id-Direttiva 2001/18/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 rispettivament, għandhom jemendaw l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

(18)

Il-kunsensi bil-miktub jew deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni maħruġa jew adottati b'ambitu ġeografiku limitat għal ċerti żoni jew miżuri adottati minn Stati Membri f'konformità ma' din id-Direttiva, li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM, m'għandhomx iwaqqfu jew jirrestrinġu l-użu ta' OĠM awtorizzati minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, din id-Direttiva u l-miżuri nazzjonali adottati f’konformità magħha għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-preżenza mhux intenzjonata jew aċċidentali ta' OĠM f'varjetajiet mhux ġenetikament modifikati ta' żrieragħ u materjal riproduttiv tal-pjanti, u m'għandhomx iwaqqfu l-kultivazzjoni ta' varjetajiet li jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti.

(19)

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jipprevedi li r-referenzi li saru fil-partijiet A u D tad-Direttiva 2001/18/KE għal OĠM awtorizzati taħt il-parti C ta' dik id-Direttiva għandhom jitqiesu li japplikaw b'mod ugwali għal OĠM awtorizzati taħt dak ir-Regolament. Għaldaqstant, il-miżuri adottati mill-Istati Membri f'konformità mad-Direttiva 2001/18/KE għandhom japplikaw ukoll għal OĠM awtorizzati f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(20)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-moviment ħieles ta’ żrieragħ konvenzjonali, materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti u l-prodott tal-ħsad skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni u f’konformità mat-TFUE.

(21)

Sabiex l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jiġu rikonċiljati mal-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi b’rabta mal-OĠM li jkunu ġew awtorizzati, jew li kienu fil-proċess li jiġu awtorizzati, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu previsti miżuri tranżizzjonali xierqa. Miżuri tranżizzjonali huma ġġustifikati bil-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta' tagħwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni bit-trattament differenti ta' detenturi tal-awtorizzazzjoni eżistenti minn applikanti futuri għall-awtorizzazzjoni. Fl-interessi taċ-ċertezza legali, il-perijodu li matulu jistgħu jiġu adottati miżuri tranżizzjonali bħal dawn għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni tajba għas-sistema l-ġdida. Permezz ta' miżuri tranżizzjonali bħal dawn l-Istati Membri b'hekk ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal prodotti li jkunu ġew awtorizzati jew li kienu fil-proċess li jiġu awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, dejjem jekk ma jiġux affettwati varjetajiet ġenetikament modifikati u awtorizzati ta’ żrieragħ u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti diġà legalment imħawla.

(22)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 tipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-iżvilupp ta' miżuri ta' koeżistenza, fosthom f'żoni tal-fruntieri.

(23)

Id-Direttiva 2001/18/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fid-Direttiva 2001/18/KE, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 26b

Kultivazzjoni

1.   Waqt il-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' OĠM partikolari jew matul it-tiġdid ta' kunsens/awtorizzazzjoni Stat Membru jista' permezz tal-Kummissjoni jitlob lin-notifikatur/applikant biex jaġġusta l-ambitu ġeografiku tan-notifika ppreżentata minn f'konformità mal-Parti C ta' din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, bl-effett li t-territorju kollu jew parti minnu ta' dak l-Istat Membru jiġi eskluż mill-kultivazzjoni. Din it-talba għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 30 jum mid-data ta’ ċirkolazzjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni taħt l-Artikolu 14(2) ta’ din id-Direttiva jew minn meta tasal l-opinjoni tal-Awtorità taħt l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien.

2.   Fejn in-notifikatur/applikant jopponi talba ta' Stat Membru f'konformità mal-paragrafu 1, in-notifikatur/applikant għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fi żmien 30 jum mil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' dik it-talba. F’każ ta’ ftehim espliċitu jew taċitu tan-notifikatur/applikant, l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tan-notifika/l-applikazzjoni għandu jiġi implimentat fil-kunsens jew fl-awtorizzazzjoni bil-miktub.

Il-kunsens bil-miktub maħruġ taħt din id-Direttiva u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 kif ukoll id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni adottata skont l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għandhom jinħarġu abbażi tal-ambitu ġeografiku aġġustat tan-notifika/applikazzjoni kif miftiehem b'mod espliċitu jew taċitu min-notifikatur/l-applikant.

3.   Fejn in-notifikatur/applikant jopponi l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni tiegħu skont talba magħmula minn Stat Membru f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista' jadotta miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' dak l-OĠMfit-territorju kollu tiegħu jew f'parti minnu ladarba jkun awtorizzat skont Parti C ta' din id-Direttiva jew skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dejjem jekk miżuri bħal dawn ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni, raġunati, propozjonati u mhux diskriminatorji u, minbarra dan, ikunu bbażati fuq raġunijiet konvinċenti bħal dawk b'rabta ma':

(a)

objettivi ta' politika ambjentali differenti mill-elementi vvalutati skont id-Direttiva 2001/18/KE u r- Regolament (KE) Nru 1829/2003;

(b)

ippjanar tal-bliet u tal-kampanja;

(c)

użu tal-art;

(d)

impatti soċjoekonomiċi;

(e)

l-evitar tal-preżenza ta’ OĠM fi prodotti oħra mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26a;

(f)

objettivi dwar il-politika agrikola;

(g)

l-ordni pubbliku.

Dawk ir-raġunijiet jistgħu jiġu invokati individwalment jew flimkien, bl-eċċezzjoni tar-raġuni msemmija fil-punt (g) li ma tistax tintuża individwalment, skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istat Membru, ir-reġjun jew iż-żona li fiha dawk il-miżuri ser japplikaw, iżda f'ebda każ m'għandha toħloq kunflitt mal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali li saret skont din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

4.   Stat Membru li jkun bi ħsiebu jadotta miżuri skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu l-ewwel jikkomunika abbozz ta' dawk il-miżuri u r-raġunijiet korrispondenti invokati lill-Kummissjoni. Din il-komunikazzjoni tista’ ssir qabel ma l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta' OĠM, taħt il-Parti C ta' din id-Direttiva jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tkun tlestiet. Matul perijodu ta’ 75 jum li jibda mid-data ta’ tali komunikazzjoni:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat għandu jżomm lura milli jadotta u jimplimenta dawk il-miżuri; u

(b)

il-Kummissjoni tista' tagħmel kull kumment li tqis xieraq.

Malli jiskadi l-perijodu ta’ 75 jum imsemmi fl-ewwel subparagrafu u mhux aktar tard minn sentejn wara d-data li fiha jingħata l-kunsens/awtorizzazzjoni l-Istat Membru kkonċernat jista' jadotta l-miżuri fil-forma oriġinarjament proposta, jew kif emendati biex iqisu kull kumment li jasal mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra u lin-notifikant/applikant mingħajr dewmien.

5.   Fejn, wara l-awtorizzazzjoni ta’ OĠM taħt din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u mhux qabel sentejn wara d-data li fiha jkun ingħata l-kunsens/awtorizzazzjoni, Stat Membru jqis li ċ-ċirkustanzi oġġettivi ġodda jiġġustifikaw aġġustament tal-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni, dan jista’ japplika l-proċedura taħt il-paragrafi 1 sa 4, mutatis mutandis, dejjem jekk miżuri bħal dawn ma jaffettwawx il-kultivazzjoni ta’ kwalunkwe żrieragħ ta' OĠM u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti awtorizzati li tħawlu legalment qabel ma ġew adottati dawk il-miżuri.

6.   Fejn Stat Membru jkun jixtieq li t-territorju kollu tiegħu u parti minnu jerġa' jiġi integrat fl-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni li minnha jkun ġie eskluż qabel skont il-paragrafu 2, dan jista’ jagħmel talba għal dan lill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub taħt din id-Direttiva jew lill-Kummissjoni jekk l-OĠM ikun ġie awtorizzat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens jew tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

7.   Għall-finijiet ta’ aġġustament tal-ambitu ġeografiku tal-kunsens/awtorizzazzjoni ta’ OĠM taħt il-paragrafi 5 u 6, u bil-kondizzjoni li taħt il-paragrafu 5 id-detentur tal-kunsens/awtorizzazzjoni jaqbel b’mod espliċitu jew taċitu mat-talba tal-Istat Membru:

(a)

għal OĠM li ġie awtorizzat taħt din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-kunsens bil-miktub għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens kif meħtieġ u tgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ladarba dan ikun tlesta;

(b)

għal GMO li jkun ġie awtorizzat taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

8.   Fejn Stat Membru jkun irrevoka l-miżuri meħuda skont il-paragrafi 3 u 4, dan għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mingħajr dewmien.

9.   Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma jaffettwawx iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.

Artikolu 26c

Miżuri tranżizzjonali

1.   Minn ... (19) sa ... (20) Stat Membru jista’ jitlob, permezz tal-Kummissjoni, lil notifikant/applikant jaġġusta l-ambitu ġeografiku ta’ notifika/applikazzjoni li tkun saret, jew ta' awtorizzazzjoni mogħtija, taħt din id-Direttiva jew ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 qabel ... (19). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika t-talba tal-Istat Membru lin-notifikatur/applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien.

2.   Fejn l-applikazzjoni tkun pendenti u n-notifikatur/applikant ikun qabel b’mod espliċitu jew taċitu ma' talba bħal din fi żmien 30 jum minn meta tiġi kkomunikata dik it-talba, l-ambitu ġeografiku tan-notifika/applikazzjoni għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ. Il-kunsens bil-miktub maħruġ taħt din id-Direttiva u, fejn applikabbli, id-deċiżjoni maħruġa f'konformità mal-Artikolu 19 kif ukoll id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni adottata taħt l-Artikoli 7 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandhom jinħarġu abbażi tal-ambitu ġeografiku aġġustat tan-notifika/applikazzjoni kif miftiehem b'mod espliċitu jew taċitu min-notifikatur/l-applikant.

3.   Fejn l-awtorizzazzjoni tkun diġà ngħatat u d-detentur tal-awtorizzazzjoni jkun qabel b'mod espliċitu jew taċitu ma' talba fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu, l-awtorizzazzjoni għandha tkun kif maqbula mid-detentur tal-awtorizzazzjoni. Għal kunsens bil-miktub taħt din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha temenda l-ambitu ġeografiku tal-kunsens kif meħtieġ b'mod espliċitu jew taċitu kif maqbul mid-detentur tal-awtorizzazzjoni u għandha tgħarraf lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni ladarba dan tkun tlesta. Għal awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni għandha temenda d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kif meħtieġ, mingħajr ma tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 35(2) ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni kif meħtieġ.

4.   Jekk notifikant/applikant jew, skont il-każ, detentur ta’ awtorizzazzjoni ma jopponux talba bħal din, il-paragrafi 3 sa 9 tal-Artikolu 26b għandhom japplikaw mutatis mutandis.

5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-kultivazzjoni ta' kwalunkwe żrieragħ ta' OĠM u materjal ta' propagazzjoni tal-pjanti awtorizzati li tħawlu legalment qabel ma l-kultivazzjoni tal-OĠM tiġi ristretta jew ipprojbita fl-Istat Membru.

6.   Il-miżuri adottati taħt dan l-Artikolu ma jaffettwawx iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ OĠM awtorizzati bħala, jew fi, prodotti.".

Artikolu 2

Mhux aktar tard minn 4 snin wara ... (21), il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu li jkunu għamlu l-Istati Membri minn din id-Direttiva fost l-oħrajn l-effettività tad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' OĠM fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dak ir-rapport jista’ jiġi akkumpanjat minn kwalunkwe proposta leġislattiva li l-Kummissjoni tqis xierqa. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll dwar il-progress lejn l-għoti ta’ status normattiv lill-gwida msaħħa tal-2010 tal-Awtorità dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 54,19.02.2011, p. 51.

(2)  ĠU C 104, 2.4.2011, p. 62.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 (ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 350) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-23 ta' Lulju 2014. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(5)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298).

(7)  Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta' Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309).

(8)  Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta’ April 1968 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (OJ L 93, 17.4.1968, p. 15).

(9)  Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (OJ L 226, 13.8.1998, p. 16).

(10)  Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti (ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17).

(11)  Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12).

(13)  Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żerrigħat tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

(14)  Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60).

(15)  Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8).

(17)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar linji gwida għall-iżvilupp ta' miżuri ta' koeżistenza nazzjonali biex tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta' OMĠ f'uċuħ tar-raba' konvenzjonali u organiċi (ĠU C 200, 22.7.2010, p. 1).

(18)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(19)  Daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fid-dokument st 10972/14.

(20)  Daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fid-dokument 10972/14 + 6 xhur.".

(21)  Daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom fit-13 ta' Lulju 2010 (1).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fid-9 ta’ Diċembru 2010. Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fit-28 ta’ Jannar 2011.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2011 (2).

II.   OBJETTIV

L-għan tal-proposta huwa li tipprovdi bażi legali fil-qafas legali tal-UE dwar l-OĠM sabiex jiġi permess li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OĠM li kienu awtorizzati fil-livell tal-UE. Dawn ir-restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet jistgħu jkopru t-territorju sħiħ ta' Stat Membru jew parti minnu.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

1.

Il-Parlament Ewropew adotta 28 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. Għalkemm id-direzzjoni ġenerali ta' dawk l-emendi ġiet segwita mill-Kunsill f'ċerti aspetti prinċipali (eż. l-introduzzjoni ta' raġunijiet speċifiċi li fuqhom jiġu bbażati r-restrizzjonijiet nazzjonali), fil-parti l-kbira tal-aspetti l-oħra l-Kunsill ipprefera approċċ differenti.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tinkludi wkoll għadd ta' bidliet minbarra dawk previsti fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni indikat li tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

2.

Bħall-Kummissjoni, il-Kunsill iqis li l-għan prinċipali tal-proposta huwa li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, filwaqt li l-Istati Membri jiġu permessi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess fir-rigward tal-kultivazzjoni tal-OĠM awtorizzati. Safejn huma involuti kunsiderazzjonijiet oħra, bħal dawk marbuta mal-ambjent, dawn huma sekondarji meta mqabbla mal-għan prinċipali. Għal din ir-raġuni, il-pożizzjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, mhux l-Artikolu 192 TFUE.

Għalkemm fil-bidu l-proposta saret fil-forma ta' regolament, wara eżami aktar mill-qrib deher aktar adegwat li l-forma legali tinbidel għal dik ta' direttiva, għalkemm waħda mingħajr perijodu ta' traspożizzjoni fid-dawl tan-natura tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Il-forma legali ta' regolament kienet tkun adegwata li kieku l-intenzjoni kienet li jinħolqu drittijiet u jiġu imposti obbligi direttament fuq operaturi ekonomiċi, filwaqt li l-loġika tal-proposta (kemm fil-forma oriġinali tagħha kif ukoll kif emendata mill-Parlament Ewropew) hija li l-Istati Membri jingħataw id-dritt jiddeċiedu fuq il-kultivazzjoni, mingħajr ma jiġu fil-fatt mitluba jieħdu ebda deċiżjoni li tirrestrinġi l-kultivazzjoni.

Bil-ħsieb li jiġi żgurat l-iċken tfixkil possibbli fis-suq intern waqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM, il-Kunsill qies li kien adegwat li jipprevedi mekkaniżmu li bih l-Istati Membri jistgħu jaqblu dwar restrizzjonijiet mal-operaturi ekonomiċi (permezz tal-Kummissjoni). Tali mekkaniżmu x'aktarx jipprovdi l-akbar ċertezza legali possibbli, kemm għall-operaturi kif ukoll għall-Istati Membri. Il-parti l-kbira tat-test il-ġdid li ddaħħal mill-Kunsill huwa ta' natura teknika u b'rabta mal-proċedura għall-iżgurar li dan il-mekkaniżmu jkun kapaċi jiffunzjona fil-prattika.

Fl-eventwalità li ma jkunx jista' jintlaħaq qbil mal-operatur ekonomiku, l-Istati Membri ser ikunu intitolati jadottaw miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni, soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet importanti. Bħall-Parlament Ewropew, il-Kunsill qies ukoll adegwat li jinkludi lista mhux eżawrjenti ta' raġunijiet fit-test. Hawnhekk, id-differenzi prinċipali bejn it-test tal-Kunsill u dak tal-Parlament Ewropew huma f'termini ta' enfasi u l-livell tad-dettall. Il-Kunsill iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-raġunijiet invokati sabiex jirrestrinġu l-kultivazzjoni ma jmorrux kontra l-valutazzjoni xjentifika tar-riskju mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

Il-Kunsill segwa l-Parlament billi introduċa dispożizzjonijiet adegwati fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi tal-bdiewa li diġà żergħu għelejjel ĠM qabel l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali. Madankollu, il-Kunsill kien tal-fehma li peress li l-proposta tikkonċerna l-kultivazzjoni b'mod esklużiv pjuttost milli t-tqegħid fis-suq bħala tali, ma kienx meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/18, kif kien issuġġerit mill-Parlament. Kuntrarjament, fl-opinjoni tal-Kunsill huwa importanti li jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi fir-rigward tal-kultivazzjoni ma jwasslux b'mod involontarju biex il-kummerċ ta' OĠM awtorizzati, inkluż il-materjal għat-tnissil, isir illegali.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-koeżistenza, iddaħħlet Premessa ġdida li tirreferi għall-aħħar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-qasam. Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri bil-ħsieb li tiġi evitata l-preżenza mhux intenzjonata ta’ OĠM fi prodotti oħra fit-territorju tagħhom u fiż-żoni konfini.

Fid-dawl tal-fatt li wieħed jista' jistenna b'mod raġonevoli li l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni jkunu jinsabu għaddejjin meta l-proposta tiġi finalment adottata, deher neċessarju li jiġu introdotti dispożizzjonijiet transitorji adegwati.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma qiesx li kien adegwat li jiġi introdott obbligu biex tiġi imposta sistema ta' responsabbiltà finanzjarja, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni fir-rigward tal-ispiża, l-piż amministrattiv, u konsegwenzi oħrajn li jista' jkollha din is-sistema, inkluż fir-rigward tas-sistemi tad-dritt privat tal-Istati Membri.

IV.   KONKLUŻJONI

Filwaqt li l-Kunsill huwa konxju mill-fatt li huwa ħa approċċ differenti minn dak li ħa l-Parlament Ewropew, b'mod ġenerali, id-direzzjoni ġenerali taż-żewġ istituzzjonijiet hija l-istess. Għaldaqstant, il-Kunsill jistenna b'interess li jsiru diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew fit-tieni qari bil-ħsieb tal-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.


(1)  Dokument 12371/10 ADD 1 - COM(2010) 375 final.

(2)  Dokument 11037/11.