ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 311

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
12 ta' Settembru 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-498 sessjoni plenarja tal-KESE tad-29 u t-30 ta' April 2014

2014/C 311/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Miżuri interġenerazzjonali u interkulturali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali ta’ ċittadini żgħażagħ tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2014/C 311/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta' awsterità

7

2014/C 311/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni

15

2014/C 311/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Bidliet Industrijali fis-Settur Farmaċewtiku Ewropew

25

2014/C 311/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ġlieda kontra x-xogħol furzat fl-Ewropa u fid-dinja: x'inhu r-rwol tal-UE? – Il-kontribut tal-KESE fil-konferenza tal-ILO 2014 (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

31

2014/C 311/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ipproċessar adatt tal-insolvenza għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali (opinjoni esploratorja)

38

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-498 sessjoni plenarja tal-KESE tad-29 u t-30 ta' April 2014

2014/C 311/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Għal Rinaxximent Industrijali EwropewCOM(2014) 14 final

47

2014/C 311/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triqCOM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD)

55

2014/C 311/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberuCOM(2014) 33 final

59

2014/C 311/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terziCOM(2013) 812 final – 2013/0398 (COD)

63

2014/C 311/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar (KE) Nru 1434/98 fir-rigward tal-obbligu tal-ħattCOM(2013) 889 final – 2013/0436 (COD)

68

2014/C 311/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklonjar ta’ annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta’ biedjaCOM(2013) 892 final – 2013/0433 (COD)il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ikel minn kloni tal-annimaliCOM(2013) 893 final – 2013/0434 (APP)il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdidCOM(2013) 894 final – 2013/0435 (COD)

73

2014/C 311/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-bini tan-Netwerk Ewlieni tat-Trasport: Il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-Faċilità Nikkollegaw l-EwropaCOM(2013) 940 final

82

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-498 sessjoni plenarja tal-KESE tad-29 u t-30 ta' April 2014

12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri interġenerazzjonali u interkulturali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali ta’ ċittadini żgħażagħ tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 311/01

Relatur: is-Sinjura Heinisch

Nhar id-19 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Miżuri interġenerazzjonali u interkulturali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali ta’ ċittadini żgħażagħ tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor.

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'187 voti favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jagħraf li ż-żieda fil-mobbiltà taż-żgħażagħ ċittadini tal-UE fil-qasam tax-xogħol hija wirja importanti u milqugħa ta' waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dejjem aktar ta' sikwit kawża ta' bżonz. Hija tpatti għal sitwazzjonijiet kritiċi fis-swieq tax-xogħol tal-pajjiżi ta' oriġini u ospitanti. Iż-żgħażagħ ħaddiema migranti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż ospitanti u barra minn hekk iġibu magħhom rikkezza immaterjali: id-diversità li toffri opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi u għas-soċjetà.

1.2

Filwaqt li dawn il-migranti żgħażagħ tax-xogħol qed jilqgħu l-opportunitajiet tax-xogħol li jsibu u ħafna drabi jintegraw tajjeb fil-post tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti, l-integrazzjoni soċjali tagħhom lil hinn mill-post tax-xogħol fl-ambjent il-ġdid qed twassal għal sfidi ġodda għas-soċjetà. L-ammont ta' żgħażagħ ċittadini Ewropej li jaħdmu fi Stati Membri differenti minn dawk ta' oriġini huwa eteroġenju. Kollha għandhom dritt li jirċievu appoġġ fil-fażi ta' dħul, b'mod partikolari dawk b'kompetenzi lingwistiċi u mezzi finanzjarji aktar limitati.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-bżonnijiet speċifiċi u l-problemi relatati mal-integrazzjoni soċjali u l-involviment ta’ ċittadini żgħażagħ tal-UE li qed jaħdmu fi Stat Membru ieħor u li qed jgħixu f'pajjiż ospitanti mhux fuq bażi temporanja biss, għandhom jingħataw attenzjoni ikbar. Jekk dan ma jsirx il-persuni kkonċernati u l-pajjiżi ospitanti jistgħu jiltaqgħu ma' problemi serji.

1.4

Il-KESE jwissi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri dwar iż-żieda fil-ksenofobija u r-razziżmu kontra l-minoranzi u l-immigranti, u jitlob li tittieħed azzjoni b'mod determinat kontra din l-imġiba u l-gruppi li jħeġġuha.

1.5

Il-Kummissjoni Ewropea hija mħeġġa tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex joħolqu miżuri ta' integrazzjoni iktar effettivi għal dan il-grupp ta' migranti żgħażagħ li diġà għandhom xogħol fi Stat Membru ieħor u dan billi jiżdiedu l-iskambji ta' esperjenza u ta' djalogu. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ żieda fil-programmi finanzjati fl-ambitu ta' "Your First Eures Job.

1.6

L-integrazzjoni hija proċess ta' natura soċjali li jiżviluppa fir-relazzjoni bejn il-persuni u l-gruppi, u tmur f'żewġ direzzjonijiet peress li tinvolvi kemm lill-immigranti kif ukoll lis-soċjetà ospitanti.

1.7

L-ewwel nett il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajbin u tiddokumenta ideat u prattiki li ħadmu u li jgħinu lil dawn il-migranti żgħażagħ fl-isforzi tagħhom sabiex jintegraw fis-soċjetà. Tista' tirrikonoxxi u tenfasizza pereżempju l-importanza ta' strateġiji u proġetti interkulturali u interġenerazzjonali li jagħmlu parti minn ''kultura ta' merħba'' fil-pajjiżi ospitanti bħala miżuri ta' appoġġ promettenti.

1.8

L-UE approvat strumenti ġodda kontra d-diskriminazzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa u dawn għandhom jiġu applikati b'mod effiċjenti fil-livell nazzjonali. Soċjetà li tippermetti d-diskriminazzjoni kontra l-immigranti mhix soċjetà integrattiva.

1.9

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din il-ġabra ta' ideat u proġetti li diġà ġew ittestjati hija disponibbli għall-Istati Membru filwaqt li tirrakkomanda li din tintuża b'mod kreattiv. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżuri li ħadmu u li diġà intużaw minn entitajiet diversi fil-pajjiżi tagħhom sabiex tkompli tikber id-dokumentazzjoni u magħha l-iskambju tal-esperjenza.

1.10

Pass ieħor li jissuġġerixxi l-KESE huwa li l-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà ta' miżuri adattati oħra u kif jistgħu jiġu implimentati. Importanti li tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni u appoġġ ta' strateġiji u prattiki li diġà ġew ittestjati u huma innovattivi permezz tal-programmi, il-pjattaformi, il-fondi u l-inzjattivi tal-UE.

1.11

Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni tappoġġja l-miżuri tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, li għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-integrazzjoni permezz tal-akkoljenza u l-parteċipazzjoni tal-immigranti.

1.12

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq li tinvolvi liż-żgħażagħ, permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom, fi proċessi importanti ta' pjanar u teħid tad-deċiżjonijiet dwar din it-tema sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'suċċess.

1.13

Il-partijiet soċjali u l-istess intrapriżi li jipprovdu impjieg għaż-żgħażagħ barranin għandhom tassew responsabbiltà kbira. Il-KESE jixtieq involviment akbar fit-tfassil ta' programmi ta' integrazzjoni mmirati għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema żgħażagħ.

2.   Introduzzjoni

2.1

Iż-żgħażagħ tal-UE qed isiru dejjem iktar mobbli. Ħafna minnhom jitilqu jfittxu xogħol fi Stat Membru ieħor b'riżultat tal-qgħada kerha tal-impjieg f'pajjiżhom (iżda mhux biss). Huma qegħdin għalhekk jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-moviment ħieles fi ħdan l-Unjoni, jikkontribwixxu fl-għan ta' iktar mobbiltà fil-qasam tax-xogħol u jużaw l-opportunitajiet li jirriżultaw minn dan. Legalment għandhom l-istess drittijiet li għandhom iċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti, iżda jiffaċċjaw ukoll sfidi speċifiċi u għandhom il-ħtiġijiet partikolari tagħhom.

2.2

Il-kategorija ta' ċittadini żgħażagħ Ewropej li jaħdmu fi Stati Membri differenti mill-pajjiż tal-oriġini hija eteroġenja. Fil-fatt dawn huma qabelxejn żgħażagħ imħarrġa tajjeb, iżda anke żgħażagħ bi ftit kwalifiki u li għaddejjin minn diffikultajiet ekonomiċi, jieħdu l-pass kuraġġuż li jibnu futur lil hinn minn art twelidhom. Dawn tal-aħħar, b'mod partikolari, jiltaqgħu ma' diffikultajiet maġġuri biex jintegraw peress li ħafna drabi ma jkollhomx biżżejjed ħiliet lingwistiċi u mezzi ekonomiċi adegwati meħtieġa biex jibnu pożizzjoni soċjali soda fil-pajjiż ospitanti.

2.3

Jeħtieġ għalhekk li dawn iż-żgħażagħ ikollhom il-possibbiltà li jintegraw tajjeb sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem u jaqdu rwol attiv fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti, soċjetà li ftit li xejn ikunu jafu malli jaslu, biex b'hekk ikunu jistgħu jgħixu aspetti importanti taċ-ċittadinanza fl-ambjent il-ġdid tagħhom ukoll.

2.4

Il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-iskema “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”, prevista fil-qafas tal-inizjattivi ewlenin Żgħażagħ Attivi u l-Inizjattiva dwar l-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ, qed tippromovi l-mobbiltà professjonali taż-żgħażagħ sabiex jintlaħaq l-għan, stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020, ta' rata ta' impjieg ta' 75 % u t-titjib tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol Ewropej.

2.5

Din l-inizjattiva tindirizza, dak li s'issa ġie pjuttost minimizzat jiġifieri d-diffikultajiet fl-integrazzjoni soċjokulturali f'ambjent ġdid permezz tal-integrazzjoni u l-involviment fis-soċjetà ospitanti bl-iktar mod komprensiv possibbli. Fl-istess waqt il-KESE jagħraf il-bżonn li titfassal opinjoni oħra li tanalizza l-ispejjeż soċjali u effetti oħra li jridu jindirizzaw il-pajjiżi u r-reġjuni ta' oriġini permezz tal-mobbiltà tax-xogħol u l-migrazzjoni b'mod partikolari taż-żgħażagħ.

2.6

Din l-opinjoni tfittex li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar dan l-aspett importanti tal-integrazzjoni ta' ħaddiema migranti żgħażagħ tal-UE kemm fil-pajjiżi ospitanti u ta' oriġini kif ukoll fil-livell tal-UE. Hija tenfasizza l-bżonn urġenti ta' azzjoni adegwata bil-għan li jsir paragun bejn approċċi individwali u esperjenzi speċifiċi sabiex jiġu żviluppati approċċi bbażati fuq l-evidenza u r-riżultati fl-Istati Membru li jiġu promossi fil-livell tal-UE.

2.7

Sa ċertu punt il-pajjiżi u l-intrapriżi ospitanti diġà joffru miżuri ta’ assistenza pjuttost effettivi, madanakollu dawn jiffokaw primarjament fuq l-aspetti relatati mal-post tax-xogħol. F’każijiet eċċezzjonali biss huma akkumpanjati wkoll minn strateġiji ġenerali ta' ta’ “kultura ta’ merħba”. Fil-qafas tal-YFEJ (l-Ewwel impjieg EURES tiegħek) ġew promossi programmi għall-integrazzjoni tal-ħaddiema żgħażagħ organizzati minn min iħaddem (korsijiet tal-lingwa u taħriġ għall-integrazzjoni b'għajnuna amministrattiva bħala appoġġ tat-trasferiment). Ħafna drabi għad hemm nuqqas ta’ strateġiji, strutturi, metodi u esperjenzi adattati sabiex dawn iż-żgħażagħ jingħataw, u b'mod effettiv, l-appoġġ, l-għajnuna u saħansitra l-isfida li jintegraw fis-soċjetà u l-kultura tal-pajjiż ospitanti.

2.8

L-approċċi u l-miżuri rilevanti għandu jkollhom bażi interġenerazzjonali u interkulturali speċifika. Dawn jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti ħafna fl-integrazzjoni u l-eżerċitar taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fil-pajjiż ospitanti. F'dan il-proċess għandu jintuża kemm jista’ jkun l-għarfien mill-esperjenzi tal-ġenerazzjoni anzjana. B’mod partikolari immigranti minn pajjiżi differenti ta’ oriġini u li diġà integrati sew jistgħu, permezz tad-diversità fl-għeruq kulturali tagħhom, joffru elementi innovattivi ta' appoġġ reċiproku u forom differenti ta’ solidarjetà.

2.9

Integrazzjoni professjonali u soċjali mingħajr suċċess kif ukoll in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-identità u l-ħtiġijiet partikolari ta' dawn iż-żgħażagħ jistgħu jwasslu għal problemi kbar kemm għalihom kif ukoll għas-soċjetà ospitanti. Tamiet diżappuntati u dubji ġodda dwar il-perspettivi tagħhom ħafna drabi jwasslu mhux biss għat-telf tal-attitudni pożittiva tal-bidu lejn il-pajjiż ospitanti iżda anki għal fehmiet u mġiba aggressivi u radikali.

2.10

Iż-żgħażagħ għandu jaslilhom il-messaġġ “Intom importanti għalina, merħba u se ngħinukom” biex tingħata risposta għall-impressjoni “Intom problema u qegħdin iddejquna”. L-aħħar iżda mhux l-inqas għandu jiġi evitat li ż-żgħażagħ kompetenti u motivati jemigraw b’frustrazzjoni lejn pajjiż terz b’konsegwenza li titlifhom l-Unjoni Ewropea.

3.   L-isfidi u d-diffikultajiet taż-żgħażagħ f’pajjiż barrani

3.1

Għalkemm fl-Unjoni Ewropea diġà jeżistu sistemi tajbin ta’ konsultazzjoni u appoġġ għaż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol fl-UE – bħal pereżempju “Żgħażagħ Attivi”, l-EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol eċċ. – u għalkemm il-pajjiżi ospitanti żviluppaw diversi miżuri f’dan il-qasam, dawn il-programmi huma primarjament, jekk mhux esklussivament, iffokati fuq aspetti tal-politika tas-suq tax-xogħol jew relatati mal-post tax-xogħol. Id-diversi oqsma oħra tal-ħajja taż-żgħażagħ, problemi u ħtiġijiet partikolari oħra fil-biċċa l-kbira jitħallew barra jiġifieri ma jeżistux possibbiltajiet ta' appoġġ u fejn jeżistu m'humiex biżżejjed.

3.2

Problema sinifikanti għaċ-ċittadini l-ġodda tal-pajjiż ospitanti hija li fil-bidu ma jkunux midħla tal-istrutturi u l-proċessi pubbliċi u ftit li xejn jifhmu d-drawwiet u l-kultura tas-soċjetà. Dan, flimkien man-nuqqas ta’ ħiliet lingwistiċi li ħafna drabi jkun il-każ, itaqqal l-aċċess għad-drittijiet u servizzi pubbliċi b’mod qawwi u jġorr miegħu r-riskju tal-iżvantaġġ ekonomiku u soċjali, b’mod partikolari lil hinn mill-ħajja tax-xogħol.

3.3

Diffikultajiet fil-ħajja ta' kuljum jistgħu jinqalgħu fit-tiftix tal-akkomodazzjoni, l-aċċess għal servizzi ġenerali u speċifiċi bħal pereżempju s-saħħa u l-affarijiet soċjali kif ukoll firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet oħrajn tal-ħajja, inkluż it-tfassil tal-ħin liberu u l-prattika tar-reliġjon. Dawn id-diffikultajiet jolqtu lill-ħaddiema kollha li jinsabu fi Stat differenti minn dak ta' oriġini.

3.4

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fis-soċjetà jew l-aċċess għal dawn l-opportunitajiet ikun diffiċli, jeżisti r-riskju tal-iżolazzjoni. Dan jista' jibda minn sitwazzjonijiet żgħar ta' kuljum iżda jwassal għal esperjenza ta' tiċħid, diskriminazzjoni u distanza soċjali b'konsegwenzi psikoloġiċi konsiderevoli li jwasslu għal iżolazzjoni soċjali u emozzjonali. Għal dawn iż-żgħażagħ, sitwazzjoni bħal din hija partikolarment diffiċli peress li ma jistgħux jirrikorru għall-assistenza minn netwerks qodma tar-relazzjonijiet bħall-familji, grupp ta’ ħbieb antiki jew il-grupp ta’ nies li kibru magħhom.

3.5

Għalhekk pass importanti ħafna għal integrazzjoni soċjali ta' suċċess fis-soċjetà ospitanti hija l-parteċipazzjoni fil-ħajja ġenerali tal-komunità permezz ta' sehem f’attivitajiet soċjali, politiċi, kulturali, sportivi jew ukoll reliġjużi – u dan pereżempju fi ħdan klabbs, għaqdiet, assoċjazzjonijiet u trade unions. Madankollu ħafna drabi jeżistu diversi ostakli għall-parteċipazzjoni mingħajr problemi minn żgħażagħ barranin u ħafna drabi barra minn hekk hemm in-nuqqas ta’ miżuri xierqa ta' inizjazzjoni, inkoraġġiment u introduzzjoni. Tali nuqqas faċilment iwassal għal sentiment ta' faqar (mhux faqar materjali) fost il-migranti żgħażagħ, li wkoll għandu effetti diżastrużi.

3.6

F'dan ir-rigward il-KESE jqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ in-netwerk tal-EURES, li s'issa deher li mhux qed jaħdem tajjeb, la fit-tlaqqigħ tad-domanda mal-provvista u lanqas mil-lat ta' appoġġ għall-inklużjoni u l-integrazzjoni. Dan l-aħħar punt isir iktar rilevanti bl-estensjoni riċenti tan-netwerk tal-EURES għat-traineeships u l-apprendistati, u huwa mistenni li n-numru ta' żgħażagħ involuti fil-proċessi ta' mobilità Ewropea se jkun dejjem akbar.

3.7

Kontribut fundamentali għall-iżvilupp ta' programmi ta' integrazzjoni jistgħu jiġu mill-kooperazzjoni bejn il-pajjiż ospitanti u dak ta' oriġini, li permezz ta' approċċ olistiku, tippermetti “migrazzjoni konsapevoli” u tiffavorixxi l-ħolqien ta' netwerk interkulturali tranżnazzjonali iktar qrib il-ħaddiem migrant żagħżugħ".

4.   Oqsma importanti ta’ ħarsien u appoġġ għall-migranti żgħażagħ

4.1

Apparti fil-qasam tax-xogħol, huwa ta' benefiċċju kbir għall-migranti ħaddiema żgħażagħ li jsibu appoġġ fejn jidħol il-bżonn tagħhom ta' netwerk. Dan jista' jseħħ permeżż ta' komunikazzjoni strutturata jew l-organizzazjoni ta' avvenimenti lokali jew reġjonali li jinizjaw u jippromovu l-iskambju tal-esperjenza u l-ksib ta' informazzjoni dwar drittijiet u obbligi, diffikultajiet u abbuż, soluzzjonijiet possibbli eċċ. Il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-iżvilupp ta' netwerks ta' relazzjonijiet ġodda.

4.2

Billi l-migranti ħaddiema żgħażagħ fil-biċċa l-kbira huma motivati ħafna u entużjasti, għandhom ikunu ppreżentati firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet u modi mhux ikkumplikati, sabiex jiddefinixxu, jiżviluppaw u jimplimentaw proġetti intraprenditorjali tagħhom stess. Fi proċessi bħal dawn jistgħu jiġu appoġġjati minn persun ikbar minnhom u li għandhom iktar esperjenza b'mod partikolari fir-rigward ta' opportunitajiet fis-suq, kundizzjonijiet tekniċi u amministrattivi, finanzjament, reklutaġġ tal-persunal eċċ fil-kuntest soċjoekonomiku tal-pajjiż ospitanti.

4.3

Il-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ barranin lil hinn mill-post tax-xogħol huwa qasam vast u importanti li jitlob miżuri meħtieġa ta’ appoġġ u żvilupp, madankollu fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa qasam minsi. Mhux biżżejjed għaż-żgħażagħ li jippparteċipaw f'kors biex jitgħallmu ħiliet lingwistiċi bażiċi fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti u fil-lingwa teknika tax-xogħol tagħhom.

4.4

Sabiex ikunu jistgħu jkampaw fl-ambjent ġdid ta’ ħajjithom, jissodisfaw bżonnijiet personali u jkunu involuti b’mod attiv fis-soċjetà, huwa meħtieġ ħafna iktar minn hekk. B’mod partikolari hemm il-ħtieġa ta’ informazzjoni affidabbli, orjentazzjoni adattata, għajnuna prattika biex jorbtu t-tagħlim tal-lingwa ma’ diversi sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja kif ukoll appoġġ personali affidabbli f'każijiet ta’ fallimenti u diżappunt.

4.5

Pariri u miżuri ta' appoġġ, fost elementi oħra, huma kruċjali meta wieħed ikun qed ifittex l-akkomodazzjoni, fil-każ ta' kunflitti fejn tidħol akkomodazzjoni, fl-organizzazzjoni ġernerali tal-ħajja ta' kuljum, kwistjonijiet ta' finanzi u taxxa, fl-isforzi fil-qasam tal-edukazzjoni, fl-għażla bejn l-attivitajiet soċjali, kulutrali, reliġjużi, sportivi u ta' divertiment kif ukoll fl-eżerċitar tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni politika. F'dawn l-oqsma kollha tista' tingħata għajnuna kbira minn żgħażagħ barranin oħra u kompatrijotti b'iktar esperjenza fil-pajjiż ospitanti u ċittadini anzjani mill-pajjiż ospitanti li lesti jipprovdu l-appoġġ fuq bażi personali.

4.6

Fit-tfassil ta’ miżuri ta’ assistenza u ta’ konsultazzjoni wieħed għandu jiddistingwi bejn is-soluzzjoni ta’ problemi u bżonnijiet differenti ħafna minn xulxin. Ħafna drabi din kwistjoni ta' diffikultajiet tal-bidu, ta' natura legali, materjali jew teknika li bl-għajnuna adattata relattivament faċli jiġu solvuti. Mill-banda l-oħra huwa ħafna iktar diffiċli li jingħelbu l-ostakoli fil-proċess tal-integrazzjoni soċjali, li jistgħu jitolbu appoġġ konsistenti fuq perjodu twil.

4.7

F'sitwazzjoni fejn iridu jitieħdu deċiżjonijiet diffiċli jew anki f' sitwazzjonijiet ta' kunflitt, importanti għall-immigranti żgħażagħ li jkollhom kuntatti bħal ''sponsors'' jew ''mentors'' jew professjonisti mill-programm EURES li jistgħu jitolbuhom pariri u li magħhom jistgħu jiżviluppaw relazzjoni ta' fiduċja. Importanti huwa li dawn il-persuni jkollhom esperjenza interkulturali u b’hekk il-komprensjoni meħtieġa u fl-istess waqt ikunu jafu jikkomunikaw tajjeb u għandhom il-kompetenza li jgħinu lin-nies jgħinu lilhom infushom.

5.   Fornituri u atturi ta’ miżuri ta’ appoġġ

5.1

L-imsieħba soċjali kif ukoll l-intrapriżi li jimpjegaw liż-żgħażagħ barranin għandhom responsabbiltà kbira. Huma jistgħu joffru wkoll pariri u appoġġ konkret relatat mal-ħajja barra mix-xgħol billi jħeġġu b'mod partikolari lil ħaddiema ikbar li jkunu disponibbli fil-post tax-xogħol bħala ''sponsors'' jew ''mentors'' billi jaħdmu flimkien mal-migranti ħaddiema żgħażagħ u joffrulhom il-pariri iżda li b'mod partikolari wkoll joffrulhom appoġġ lil hinn mill-post tax-xogħol. Il-fatt li dan, mingħajr appoġġ, ftit li xejn huwa possibbli fl-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, huwa sfida partikolari li għaliha għadhom iridu jinstabu soluzzjonijiet, pereżempju billi jiġi previst li dawn l-attivitajiet jiġu inklużi fil-programmi finanzjati fl-ambitu tal-YFEJ (Your First Eures Job)..

5.2

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tradizzjonalment huma dawk li jindirizzaw il-problemi tal-persuni lil hinn mill-post tax-xogħol u joħolqu l-possibbiltajiet għal integrazzjoni soċjali mtejba kif ukoll koeżjoni msaħħa tas-soċjetà. Huma għandhom, permezz ta' opportunitajiet fl-oqsma tal-attivitajiet soċjali, kulturali, sportivi u kwalunkwe attivitajiet oħrajn tal-ħin liberu mfassla b’mod immirat lejn il-problemi u l-bżonnijiet partikolari tal-migranti tax-xogħol żgħażagħ, jinkorporaw dan il-grupp importanti u determinanti għall-futur b’mod iktar ċentrali fit-tfassil sħiħ tal-attivitajiet tagħhom.

5.3

Kemm fil-kuntest relatat mal-post tax-xogħol kif ukoll fil-qasam mhux professjonali huwa ta’ vantaġġ kbir jekk adulti esperjenzati jiġu amalgamati ma’ migranti żgħażagħ. L-għarfien u l-ġudizzju ta’ bnedmin ikbar fl-età, li huma lesti jaqsmu l-esperjenzi tagħhom maż-żgħażagħ – mhux biss biex jgħallmuhom iżda biex jassistuhom – hu ta’ valur partikolari ħafna. Minn dan jirriżultaw mhux biss soluzzjonijiet adegwati għal problemi diffiċli, iżda wkoll forma importanti ta’ djalogu li jippromwovi l-koeżjoni soċjali. Dan huwa ta’ benefiċċju kbir għal dawk kollha kkonċernati. Jekk l-imsieħba tad-djalogu mbagħad iġibu magħhom ukoll firxa wiesgħa ta’ sfond kulturali, dan iwassal għal esperjenzi importanti f'soċjetà miftuħa u multidimensjonali, li tagħti l-aċċess u l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni lil kulħadd.

5.4

Minkejja l-programmi istituzzjonali ta’ assistenza u ta’ appoġġ li jeżistu, fattur li jiddetermina s-suċċess tal-miżuri huma r-relazzjonijiet personali. Esperjenzi personali, komunikazzjoni diretta, impenn individwali, fiduċja fil-kapaċità ta’ ħaddieħor, esperjenzi komuni huma l-katalisti ta’ integrazzjoni promettenti f’dinja tax-xogħol ġdida u b’mod partikolari f’soċjetà differenti. L-iżgurar ta' appoġġ personali individwali permezz ta' kuntatti diretti huwa importanti u jista' jitwettaq permezz ta' organizzazzjoni strutturata ta' parteċipazzjoni volontarja. Min jista’ jew għandu jipprovdi din l-għajuna jiddependi mill-kultura rispettiva tal-pajjiż ospitanti.

5.5

Huwa importanti li ma jsirux sforzi biex jiġu imposti soluzzjonijiet unformi la fil-livell nazzjonali u l-anqas Ewropew. Dawn bżonnijiet u diffikultajiet umani li għalihom m'hemmx approċċ stabbilit iżda li jitolbu risposti varjati, flessibbli u innovattivi skont l-oriġini tal-persuna kkonċernata u s-sitwazzjoni personali tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet lokali.

5.6

Eżempju ta' għajnuna personalizzata li kisbet suċċess huma l-hekk imsejħa ''Senior Expert Services'' (1). F'dan il-programm persuni li diġà rtiraw joffru, fuq bażi volontarja, l-għarfien professjonali tagħhom u l-esperjenza minn oqsma differenti tax-xogħol. It-trasferiment tal-ħiliet u l-impenn personali tal-ġenerazzjoni anzjana jagħtu spinta kbira lill-fehim reċiproku, il-kooperazzjoni u r-rispett bejn il-ġenerazzjonijiet u dan jagħti kontribut kbir fil-koeżjoni soċjali.

5.7

Importanti għall-istrateġiji promettenti li jiġu dokumentati sistematikament l-opportunitajiet eżistenti u l-prattiki ta' suċċess u li dawn jiġu evalwati abbażi tar-riżultati u koordinati u reklamati permezz ta' miżuri immirati ta' informazzjoni. Kooperazzjoni mill-qrib bejn il-fornituri u l-unitajiet organizzattivi responsabbli kif ukoll l-involviment permanenti tal-istrutturi li jirrappreżentaw lil dawk interessati u kkonċernati importanti sabiex dan ikun ta' suċċess. B'mod partikolari l-għan għandu jkun li jiġi żgurat li l-bżonnijiet u d-diffikultajiet speċifiċi tal-migranti ħaddiema żgħażagħ jinftiehmu tajjeb, li l-istrateġiji u l-miżuri jitfasslu b'mod immirati, li r-riżorsi jintużaw b'mod adegwat u li jiġi żgurat is-segwitu. Il-migranti ħaddiema żgħażagħ għandhom ikunu involuti b'mod konġunt fid-deċiżjonijiet u l-evalwazzjonijiet kollha.

6.   Osservazzjonijiet u miżuri possibbli mill-Kummissjoni Ewropea

6.1

Il-mobbiltà tal-migranti żgħażagħ tirrifletti waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Iż-żgħażagħ qed jużaw l-opportunitajeit li toffrilhom il-migrazzjoni tax-xogħol. Dan jista' jtaffi l-problemi tas-suq tax-xogħol kemm għall-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti. Is-sitwazzjoni speċifika tal-migranti żgħażagħ tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor u li jirrappreżentaw parti importanti ħafna tal-ġejjieni tal-Ewropa għandha tiġi dokumentanta, analizzata u mifhuma aħjar.

6.2

B'mod partikolari għandha titqies iktar l-integrazzjoni lil hinn mill-ħajja tax-xogħol taż-żgħażagħ minn Stati Membri oħra tal-UE fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti li fiha sabu xogħol, billi din assoċjata ma' sfidi u diffikultajiet sinifikanti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid is-sensibilizzazzjoni dwar dan fuq livell transkonfinali, toħloq dokumentazzjoni u tippromovi l-iskambju tal-esperjenza u d-djalogu.

6.3

Il-Kummissjoni Ewropa għandha tiġi mħeġġa tieħu l-passi sabiex tiddokumenta l-prattiki ta' suċċess immirati li jindirizzaw id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti żgħażagħ fir-rigward tal-integrazzjoni soċjali u l-involviment tagħhom fil-pajjiż ospitanti. B'mod partikolari l-approċċi interġenerazzjonali u interkulturai ta' appoġġ għal dawn iċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE fl-isforzi tagħhom sabiex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b'mod effettiv fis-soċjetà għandhom jingħataw attenzjoni sinifikanti bħala elementi importanti ta' ''kultura ta' merħba''.

6.4

Il-Kummissjoni għandha għalhekk tħeġġeġ lill-Istati Membri jimitaw dawn il-prattiki b'mod kreattiv. Fl-istess waqt l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar strateġiji innovattivi, programmi u miżuri konkreti, li diġà ġew ittestjati u li huma immirati biex jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema żgħażagħ minn Stati Membri oħra bil-għan li jissaħħaħ l-iskambju tal-esperenzja dwar forom differenti ta' appoġġ u possibbiltajiet fil-qasam.

6.5

Abbażi ta' din id-dokumentazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għandha tanalizza jekk għadx hemm bżonn ta' azzjoni u ta' kif dan jista' jsir. Barra minn hekk għandhom jiżviluppaw strateġija li tapplika u tappoġġja elementi ta' prattiki innovattivi li diġà ġew pruvati permezz tal-programmi eżistenti, il-pjattaformi, il-fondi u l-inizjattivi tal-UE.

6.6

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li ż-żgħażagħ, permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tagħhom jaqdu rwol sinifkanti sabiex jiggarantixxu li l-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom jiġu dokumentati tajjeb, mifhuma u fl-aħħar mill-aħħar indirizzati permezz ta' għajuna speċifika għalihom.

Brussell, 30 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.ses-bonn.de/


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta' awsterità”

2014/C 311/02

Relatur: is-Sur Fornea

Korelatur: is-Sur Grimaldi

Nhar il-11 ta' Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impjegabbiltà taż-żgħażagħ – inqabblu t-taħriġ mal-ħtiġijiet tal-industrija fi żmien ta' awsterità

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'156 vot favur u 2 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kriżi gravi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ teħtieġ li l-gvernijiet, min iħaddem, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien u aktar biex jippromovu, joħolqu u jżommu impjiegi deċenti (1) u sostenibbli. Il-kwistjoni saret sfida kemm politika kif ukoll ekonomika. Il-KESE diġà saħaq li hemm bżonn ta' strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u iktar stabbli għaż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza fundamentali li l-gvernijiet jagħmlu sforzi impressjonanti u korrettivi biex jevitaw li l-kriżi teskala.

1.2

Kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2013, il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ (YG) ikunu kompletament operattivi mingħajr dewmien. L-allokazzjoni ta’ fondi nazzjonali u Ewropej għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-impjieg u l-qgħad fit-tul taż-żgħażagħ għandhom jiżdiedu sostanzjalment.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-pjani ta' azzjoni konkreti li diġà ġew adottati mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ jitressqu għal valutazzjoni regolari, bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen li f'dawn il-pjani u fil-programmi għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jippermettu lill-gradwati żgħażagħ jiksbu ħiliet għax-xogħol, inklużi, fost oħrajn, tagħrif espert fil-ġestjoni u l-ħidma f'tim, abilitajiet ta' soluzzjoni tal-problemi u kreattività biex itejbu l-versatilità u l-possibilitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri, u l-awtoritajiet kollha involuti, għandhom jikkunsidraw l-impjegabbiltà bħala proċess kontinwu li jaffettwa l-ħajja tax-xogħol kollha. L-Istati Membri għandhom ifasslu u joħolqu għodod u kundizzjonijiet sabiex jgħinu lin-nies jaġġornaw, itejbu u jevalwaw il-livell ta' impjegabbiltà tagħhom. It-tisħiħ tar-rikonoxximent u tat-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki jaqdi rwol importanti biex l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ li qed ifittxu xogħol titqabbel mal-bżonnijiet tas-suq kif ukoll mal-mobilità tagħhom. Il-KESE jappoġġja l-politiki tal-UE sabiex jiżdiedu r-rikonoxximent u t-trasparenza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki u l-għodod relatati, bħall-QEK, il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, il-Europass u s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-krediti.

1.5

Il-KESE jsostni b'konvinzjoni li r-responsabbiltà tal-impjegabbiltà mhijiex biss individwali. L-impjegabbiltà hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata u maqsuma bejn il-partijiet interessati kollha: il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali, l-universitajiet, l-iskejjel, l-awtoritajiet lokali u l-ħaddiema individwali, fost oħrajn. Sħubija aħjar bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi hija rakkomandata ferm, u f'dan ir-rigward, programmi ta' taħriġ ta' kwalità għolja organizzati mill-kumpanija għandhom jiġu promossi f'konformità mal-prinċipji u l-metodi tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships propost.

1.6

L-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi għal dawk l-universitajiet u l-unitajiet ta' riċerka u żvilupp li joffru korsijiet ta' lawrja li jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq globalizzat. Dan jista' jkun utli wkoll f'termini tal-promozzjoni ta' livell għoli ta' professjonaliżmu.

1.7

Imħasseb dwar it-tendenza riċenti ta' tnaqqis fil-baġit tal-edukazzjoni f’bosta Stati Membri, il-KESE jirrakkomanda li Membri tal-UE jallokaw biżżejjed riżorsi biex jiżguraw li l-persunal edukattiv jipprovdi edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Il-professjoni tal-għalliema fl-Ewropa mhix meqjusa bħala waħda attraenti u tbati minn nuqqasijiet, problema li tista' tiżdied fil-futur qrib (2). Kundizzjonijiet tax-xogħol, salarji u pensjonijiet diċenti huma meħtieġa biex l-edukazzjoni tkun għażla ta’ karriera attraenti.

1.8

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-KE li tistabbilixxi l-programm Erasmus +, li jħeġġeġ ukoll taħriġ vokazzjonali transkonfinali, u jittama li, kif miftiehem, dan se jkun kompletament operattiv mill-aktar fis. Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali huwa partikolarment sodisfaċenti.

1.9

Il-KESE jilqa' wkoll il-Qafas ta' Azzjonijiet dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ miftiehem mill-imsieħba soċjali f'Ġunju 2013. Fi żmien ta' kriżi ekonomika u soċjali, l-Ewropa għandha tuża bl-aħjar mod il-potenzjal tal-popolazzjoni tagħha mill-isfondi soċjoekonomiċi kollha, filwaqt li tiżgura l-kosteffettività.

1.10

Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-inizjattivi tal-UE maħsuba biex jindirizzaw il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom jirriżultaw f'miżuri konkreti li jippromovu politika industrijali effettiva immirata lejn l-avvanz tal-industrija Ewropea u jagħtu spinta lill-kompetittività tagħha b'mod soċjalment aċċettabbli u sostenibbli.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-effetti negattivi tal-użu sistematiku ta' kuntratti temporanji għaż-żgħażagħ, li għandhom implikazzjonijiet importanti għax-xbieki tas-sigurtà soċjali (inqas kontribuzzjonijiet) u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri.

1.12

Il-KESE jħoss li l-investiment fit-titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ hija kruċjali għall-futur tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. L-inizjattivi approvati għandhom ikunu aċċessibbli faċilment miż-żgħażagħ kollha mingħajr diskriminazzjoni jew preġudizzji sessisti, u għandhom ikunu akkumpanjati b'miżuri konkreti għall-inklużjoni. Il-partijiet interessati rilevanti (inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom ikunu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi.

1.13

Għandhom ikomplu jiġu żviluppati miżuri nazzjonali u lokali konkreti li joffru tagħlim tul il-ħajja aċċessibbli għal kulħadd, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili u b'evalwazzjoni regolari tar-riżultati.

1.14

F'mudelli ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, bħas-sistema ta' tagħlim parallela, parti sinifikanti tat-taħriġ jitwettaq fi ħdan il-kumpaniji. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom il-possibbiltà li jalternaw bejn tagħlim fl-iskola u taħriġ fuq ix-xogħol f’kumpanija.Il-KESE huwa konvint mis-suċċess tas-sistemi ta' tagħlim paralleli, kif implimentati f'xi wħud mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltajiet kondiviżi, kemm min-naħa tal-pubbliku kif ukoll min-naħa tan-negozji, sabiex ikun hemm investiment fil-futur, huma kruċjali għal skemi ta' apprendistati li jkollhom suċċess.

1.15

Il-Kumitat jirrakkomanda passi li għandhom jittieħdu biex jiżguraw il-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet proposti, u biex jistabbilixxu qafas xieraq, fejn ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi ta' kull parti interessata jiġu fformulati b'mod ċar u jkunu jistgħu jiġu nfurzati fil-prattika. Id-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins għandu jibqa' jiġi żviluppat u użat bħala għodda importanti biex jidentifika perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol, biex ikattar il-ħolqien tal-impjiegi, biex jaqsam prattiċi ta’ taħriġ aktar adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex iħeġġeġ lin-nisa u l-irġiel żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jiżviluppaw.

1.16

Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi restrizzjonijiet fuq id-deċiżjonijiet baġitarji tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk soġġetti għall-programmi ta' aġġustament fiskali – sitwazzjoni li qed tiggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-UE nnifisha. Meta wieħed iqis ir-rwol ċentrali kopert mill-edukazzjoni fl-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ta’ impjegabbiltà, il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu r-riżorsi allokati għal edukazzjoni ta' kwalità li għandhom ikunu ikkunsidrati mhux bħala nefqa iżda bħala investiment essenzjali biex tingħeleb il-kriżi u jinbena ġejjieni aħjar għal kulħadd. Fid-dawl ta' dan, il-KESE appoġġja l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem ta' “L-edukazzjoni hija investiment! L-infiq fl-edukazzjoni m'għandux jitqies fid-defiċit!”  (3) Il-Kumitat iwissi li t-tnaqqis li qed jiġi applikat għall-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed joħloq sitwazzjonijiet fejn inizjattivi u proposti vitali qed jispiċċaw sempliċiment dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni tajba. Billi jqis l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-KE torganizza “Jum Ewropew għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ” fl-2015.

1.17

Il-KESE jikkunsidra li l-industriji u l-impriżi għandhom jinvestu fl-għodda tal-produzzjoni u jimplimentaw il-politiki tas-salarji u ta’ komunikazzjoni tagħhom sabiex is-settur industrijali jsir aktar attraenti. It-titjib tad-djalogu bejn l-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali jista' jirrappreżenta pass importanti sabiex naffrontaw it-tema tal-impjegabbiltà u jista’ jnaqqas l-iżbilanċ bejn il-provvista u d-domanda.

1.18

L-inizjattivi kollha adottati biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ għandhom ikunu ffinanzjati b'mod adegwat, permezz tal-FSE u fondi strutturali oħra. Il-KESE jirrakkomanda li, meta jintużaw il-Fondi Strutturali, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, inkluża azzjoni biex jiġu pprogrammati mill-ġdid fondi mhux minfuqa, fejn xieraq.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-industrija Ewropea tinkludi firxa wiesgħa ta’ kumpaniji, fosthom kumpaniji kbar, SMEs, u mikroindustriji, b’rekwiżiti tax-xogħol differenti. Għalhekk għandha bżonn ħaddiema b'ħiliet u kapaċitajiet differenti. Dawn id-differenzi għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ. Id-djalogu soċjali bejn min iħaddem u t-trejdjunjins għandu jibqa' jiġi żviluppat u użat bħala għodda importanti biex jidentifika perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol, biex ikattar il-ħolqien tal-impjiegi, biex jaqsam prattiċi ta’ taħriġ aktar adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex iħeġġeġ lin-nisa u l-irġiel żgħażagħ biex itejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jiżviluppaw.

2.2

L-UE u l-Istati Membri jeħtieġu politika industrijali li tiffaċilita t-tkabbir u tħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja (4). Il-KE tqis li hemm bżonn ta' sħubija soda bejn l-UE, l-Istati Membri u l-industrija, sabiex jiġi żgurat qafas ta' kooperazzjoni effettiv u biex jiġu stimulati investimenti f’teknoloġiji u riżorsi umani li jistgħu jipprovdu vantaġġ kompetittiv lis-settur industrijali Ewropew fuq kompetituri globali oħra. Biex tindirizza dan u l-kwistjoni ġenerali tal-impjegabbiltà fl-industrija, il-KE assigurat (5) li wieħed mill-pilastri tal-politika industrijali l-ġdida se jkun l-investimenti fin-nies u l-ħiliet.

2.3

Il-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008 dgħajfet serjament ħafna ekonomiji Ewropej u sa issa l-irkupru qed iseħħ bil-mod ħafna. Kwistjoni li tista’ tagħmel l-irkupru aktar diffiċli u li l-konsegwenzi tagħha għall-ġejjieni jistgħu jkunu saħansitra aktar inkwetanti hija l-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li teħtieġ li l-gvernijiet, min iħaddem, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien biex jippromwovu, joħolqu u jżommu impjiegi diċenti u produttivi.

2.4

Il-mexxejja Ewropej jidhru li qegħdin jieħdu din il-kriżi bis-serjetà, iżda kif il-KESE diġà enfasizza f’opinjonijiet preċedenti (6), l-inizjattivi l-ġodda mhux se jgħinu biex tissolva l-problema sakemm ma jindirizzawx l-għeruq tagħha. Il-kwistjoni saret sfida kemm politika kif ukoll ekonomika. Ikun żbaljat li wieħed jiġġeneralizza – is-sitwazzjoni ċertament mhijiex l-istess f’kull pajjiż u f'kull livell lokali, iżda għal ħafna żgħażagħ Ewropej, madankollu, il-finanzjament u t-tlestija tal-istudji tagħhom, it-tfittxija ta' impjieg vera u mhux biss impjieg fuq perjodu qasir jew apprendistat, it-tnedija tal-proġett jew in-negozju tagħhom stess, il-ħajja indipendenti jew it-trobbija ta' familja huma kollha parti mill-istess ġlieda ta' kuljum. Għalkemm il-qgħad mhux fenomenu ġdid fl-Ewropa, il-qgħad fost iż-żgħażagħ li qed jiżdied huwa wieħed mill-aktar effetti viżibbli tal-kriżi ekonomika attwali, kemm fir-rigward tat-telf tal-impjiegi kif ukoll fin-nuqqas ta' ħolqien tal-impjiegi (7).

2.5

Ħafna inizjattivi pożittivi tal-UE (bħall-Inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ) se joffru taħriġ fuq ix-xogħol u apprentistati. Madankollu huma mhux dejjem jiggarantixxu aċċess għal impjieg. U dan jenfasizza nuqqas ta' qbil kbir: l-impjiegi normalment huma konsegwenza tat-tkabbir ekonomiku. Il-KESE diġà saħaq li hemm bżonn ta' strateġija ta’ tkabbir reali fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tappoġġja l-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u iktar stabbli għaż-żgħażagħ. Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza fundamentali li l-gvernijiet jagħmlu sforzi impressjonanti u korrettivi biex jevitaw li l-kriżi teskala. Bħalma indikat il-KE, “iż-żgħażagħ huma l-qofol tad-dinamiżmu u l-prosperità futuri tal-Ewropa” (8).

2.6

Il-kunċett ta’ “impjegabbiltà” m'għandu l-ebda definizzjoni universalment aċċettata, huwa kunċett dinamiku u hemm xejra ġenerali lejn twessigħ biex jinkludi fatturi kuntestwali. Minkejja l-importanza tagħha fil-kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-impjegabbiltà hija diffiċli biex titkejjel; hemm approċċi multipli għad-definizzjoni tal-impjegabbiltà. L-impjegabbiltà hija affettwata kemm minn fatturi marbuta mal-provvista kif ukoll mad-domanda, li spiss m'humiex fil-kontroll tal-individwu. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika u soċjali, l-Ewropa teħtieġ li jiġu utilizzati bl-aħjar mod il-kreattività, l-enerġija u l-kapaċitajiet potenzjali kollha tal-popolazzjoni tagħhom, minn kull sfond soċjoekonomiku. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'saħħithom u attivi sew, għandhom rwol abilitanti importanti.

2.7

L-impjegabbiltà hija ddeterminata ħafna mill-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ ipprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali. Filwaqt li jinnota li l-awtoritajiet lokali qed jaħdmu biex jinstab il-bilanċ tajjeb li jippermetti titjib f'dan ir-rigward, il-KESE jqis li s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ attwali mhux dejjem jirriflettu b'mod koerenti d-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew. Minkejja t-talbiet tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, lill-awtoritajiet lokali biex jaqsmu r-risposti istituzzjonali tagħhom għall-problemi ta' mobilità taż-żgħażagħ u t-taħriġ, itejbu l-kwalità tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-aġġornamenti, jirrispondi b'mod xieraq għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jikkonformaw bi skeda ta' kisbiet relatati mal-objettivi komuni u bil-benchmarks u r-riżultati, janalizzaw u jintegraw ir-riżultati tal-istudji u r-riċerka, għad hemm wisq ostakli istituzzjonali u nuqqas ta' impenn reali li qed jostakolaw żona komuni Ewropea reali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.8

Min iħaddem huwa konxju tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-impjegati tal-lum, iżda jeħtieġ li jkunu aktar konxji tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-impjegati futuri f'kambjament mgħaġġel fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari minħabba l-iżvilupp ta' teknoloġiji li jagħmluha vitali għall-impjegati biex jakkwistaw ħiliet ġodda u jaġġornawhom kontinwament. Il-kumpaniji għandhom karatteristiċi differenti u ħtiġijiet differenti, għalhekk huwa essenzjali li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu addattabbli u flessibbli fil-ħiliet li jgħallmu. Kif enfasizza l-KESE fl-opinjoni tiegħu SOC/476, hija meħtieġa bil-qawwa kooperazzjoni aħjar u aktar rilevanti bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fil-livelli kollha u l-industrija.

2.9

Fid-dawl tal-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mhumiex l-uniċi elementi li jiffurmaw l-impjegabbiltà ta' individwu, approċċ li jiffoka fuq l-edukazzjoni waħedha huwa restrittiv wisq. L-iskemi ta' traineeships ta' kwalità, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol (fl-iskejjel jew fil-kumpaniji) jew l-apprendistati u l-programmi mmirati għall-impjieg għandhom jiġu kkunsidrati bħala modi ewlenin ta’ kif iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala s-soluzzjoni għall-problema tal-impjegabbiltà. Huwa importanti li wieħed jagħraf li s-swieq tax-xogħol huma integrati fis-soċjetà u l-kultura, kif inhuma l-istituzzjonijiet ekonomiċi, u li normi u drawwiet informali jifformaw ukoll il-prattiki tas-suq tax-xogħol.

2.10

Il-KESE jemmen li dak li ġie diskuss u approvat fil-livell Ewropew dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ma jistax jiġi tradott għal sempliċi skambju ta' prattika tajba. F'dan ir-rigward, huwa mixtieq li s-sistemi ta' taħriġ ikunu kapaċi jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' impjieg, waqt li joħolqu professjonisti ġodda li jistgħu jlaħħqu mal-bidliet kontinwi fl-organizzazzjoni tax-xogħol u s-soċjetà moderna. Filwaqt li jqis, għalhekk, l-iskadenzi stabbiliti għall-ET 2020 u d-Dikjarazzjoni ta' Bruges, il-KESE jitlob li ssir valutazzjoni u analiżi bir-reqqa ta' kif l-impenji jiġu implimentati fil-prattika u tal-objettivi miksuba.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

F’numru ta’ opinjonijiet, is-CCMI enfasizzat għadd ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, industrijali u soċjali inklużi l-impjegabbiltà u t-taħriġ mill-ġdid, b’mod partikolari matul il-kriżi attwali (9). Marbuta mal-Garanzija għall-Impjieg taż-Żgħażagħ approvata mill-Kummissjoni Ewropea f’Ġunju 2013, l-imsieħba soċjali Ewropej (10) ippreżentaw qafas għal azzjoni konġunta dwar l-impjieg taż-żgħażagħ li jiffoka fuq l-għarfien, it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, l-impjiegi u l-iżvilupp tal-intraprenditorija.

3.2

Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tal-Ewropa u sors rikk ta' dinamiżmu fis-soċjetajiet tagħna. Madankollu, l-inklużjoni soċjali u ekonomika taż-żgħażagħ tippreżumi u tirrikjedi sekwenza ta' tranżizzjonijiet ta' suċċess. F'kuntest fejn it-tranżizzjoni għall-ħajja adulta saret iktar kumplessa, edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd u swieq tax-xogħol inklużivi huma l-istrumenti ewlenin ta' dawn it-tranżizzjonijiet ta' suċċess. Hemm bżonn ta' approċċ olistiku sabiex jittrawmu swieq tax-xogħol dinamiċi, miftuħa u mobbli għaż-żgħażagħ, b'miżuri u riżorsi xierqa li jiffokaw fuq il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, riżultati ta' tagħlim ta' kwalità għolja, u tqabbil aħjar bejn il-provvista u d-domanda tal-ħiliet, inkluż permezz tal-firxa ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol madwar l-Ewropa.

3.3

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'ħafna mill-Istati Membri (b'mod partikolari dawk li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi attwali), b'diversi modi enfasizzaw l-importanza li l-approċċ individwali għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ikun marbut ma' approċċ kollettiv (il-kuntest, l-ambjent, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol) li jikkunsidra l-aspettattivi u l-aspirazzjoni taż-żgħażagħ. Sabiex ikunu għal kollox effettivi, dawn il-miżuri għandhom jiġu inċentivati permezz tal-fondi Ewropej u miżuri li jsaħħu t-tkabbir, u mhux limitata għal EUR 6-8 biljun tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, somma li ghandha tiżdied sostanzjalment.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-prinċipji u l-metodi ta' ħidma tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships isaħħu l-konvinzjoni tal-KESE l-apprentistati u l-esperjenzi qosra tax-xogħol huma strumenti importanti biex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u esperjenza tax-xogħol u għandhom jagħmlu parti mill-istrateġiji korporattiva. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-industrija jiżguraw il-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet proposti, u li jiġi stabbilit qafas xieraq, fejn ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti interessata jkunu fformulati b’mod ċar u jistgħu jiġu infurzati fil-prattika.

4.2

Meta wieħed jikkunsidra li l-kisba ta' kwalifiki universitarji rikonoxxuti f’diversi livelli hija importanti imma ma għadhiex biżżejjed, il-Kumitat jemmen li matul l-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-programmi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex jippermettu lill-gradwati żgħażagħ jiksbu ħiliet għax-xogħol, inklużi, fost oħrajn, esperjenza fil-ġestjoni u l-ħidma f'tim, abilitajiet ta' soluzzjoni tal-problemi u kreattività biex itejbu l-possibilitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol.

4.3

F'mudelli ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, bħas-sistema ta' tagħlim parallela, parti sinifikanti tat-taħriġ jitwettaq fi ħdan il-kumpaniji. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom il-possibbiltà li jalternaw bejn tagħlim fl-iskola u taħriġ fuq ix-xogħol f’kumpanija. Il-KESE huwa konvint mis-suċċess tas-sistemi ta' tagħlim paralleli, kif implimentati f'xi wħud mill-Istati Membri. Ir-responsabbiltajiet kondiviżi, kemm min-naħa tal-pubbliku kif ukoll min-naħa tan-negozji, sabiex ikun hemm investiment fil-futur, huma kruċjali għal skemi ta' apprendistati li jkollhom suċċess.

4.4

Huwa tajjeb li jiġi stimulat it-tagħlim, bil-kundizzjoni li dan ma jiddependix biss mill-isforz li kull persuna tista’ u jeħtieġ li tagħmel. Jekk dan ma jiġrix, il-gruppi li diġà uma l-iżjed żvantaġġati jew marġinalizzati jkomplu jiġu ssegregati b’mod kollettiv. Għandhom ikomplu jiġu żviluppati miżuri nazzjonali u lokali konkreti li joffru tagħlim tul il-ħajja aċċessibbli għal kulħadd, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili u b'evalwazzjoni regolari tar-riżultati.

4.5

Meta jiġu riveduti s-sistemi tal-edukazzjoni/tat-taħriġ huwa importanti li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tista' tibqa' professjoni attraenti u kompetittiva. Ħajja mill-ġdid għall-professjoni tal-għalliem hija wkoll marbuta mal-adattament aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; Hemm bżonn għalliema motivati u ppreparati sew, biex ikunu jistgħu jittrattaw firxa varjata ta’ talbiet mis-soċjetà, l-industrija u l-istudenti.

4.6

L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-pariri dwar il-karriera għandhom jappoġġjaw liż-żgħażagħ nisa u rġiel fl-isforzi tagħhom biex jiksbu edukazzjoni, kwalifiki u ħiliet aħjar. Materjal ta’ gwida dwar il-karrieri għandu jinkludi informazzjoni ċara dwar l-impjiegi disponibbli u l-prospetti ta' karriera fis-suq tax-xogħol (11). Il-KESE laqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi l-programm Erasmus +, li jiffavorixxi wkoll taħriġ vokazzjonali transkonfinali, u jittama li, kif miftiehem, se jkun kompletament operattiv minn Jannar 2014. Il-ftehim li ntlaħaq reċentament bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ntlaqa’ bil-kbir.

4.7

L-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi għal l-universitajiet u l-unitajiet ta' riċerka u żvilupp li joffru korsijiet ta' lawrja li jaqblu mal-ħtiġijiet tas-suq globalizzat; dan jista' jgħin biex jiġi promoss livell għoli ta' professjonaliżmu.

4.8

L-introduzzjoni tat-taħriġ obbligatorju jista' jkun ikkunsidrat bħala tip ta' “assigurazzjoni tal-karriera”. Madankollu, l-apprendistat u t-taħriġ m’għandhomx isiru mezz għall-firxa ta’ xogħol irħas jew mhux imħallas. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-aħjar prattiki tal-industrija u m'għandhomx jiġu ttolerati abbużi. Kwalunkwe perjodu ta' tagħlim jew taħriġ għandu jirriżulta f'diploma jew ċertifikat li jirrikonoxxi l-kwalifiki miksuba.

4.9

Minħabba d-differenzi eżistenti bejn iż-żgħażagħ nisa u rġiel li jidħlu fis-swieq tax-xogħol, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ikun indirizzat b'perspettiva tal-ġeneru xierqa, inkluża azzjoni konkreta fejn meħtieġ. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għalhekk tispeċifika li l-iskemi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ għandhom iqisu s-sess tal-individwu u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira (12).

4.10

Biex titjib l-impjegabbiltà, għandu jsir kull sforz sabiex l-kondizzjonijiet attwali.jkunu riflessi. Aktar ma l-miżuri ta' politika jagħmlu dan, aktar hemm ċans li tingħata spinta lill-impjegabbiltà. Kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku għandha tkun marbuta ma' kundizzjonijiet prattiċi peress li din hi l-unika triq għall-eċċellenza sostenibbli. Il-ħolqien ta’ sħubijiet lokali se jkun utli biex jiżdied id-djalogu u l-azzjonijiet biex jiġi affrontat il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Istituzzjonijiet lokali, universitajiet, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, awtoritajiet pubbliċi u korpi ta' taħriġ vokazzjonali, junjins u min iħaddem li joperaw fl-istess żona lokali – dawn għandhom isibu mod ta' kif jaħdmu flimkien biex jidentifikaw strateġiji possibbli komuni. Il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet lokali se jkunu rikonoxxuti u ikkunsidrati aħjar biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ.

4.11

L-Istati Membri għandhom jinkludu korsijiet fl-intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel u jippromovu prattika ta' intraprenditorija f'mudelli ta' tagħlim fuq ix-xogħol, skont il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid dwar l-Intraprenditorija 2020 imniedi mill-Kummissjoni Ewropea. L-intraprenditorija għandha titqies bħala kunċett wiesgħa li m'għandhiex biss l-għan li jinħolqu n-negozji. In-nies għandhom jitgħallmu u jifhmu kif iridu jkunu imprendituri f'ħajjithom stess minn età żgħira. L-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tipprepara liż-żgħażagħ għall-ħajja billi tgħallimhom biex juru inizjattiva, jassumu r-responsabbiltà u janalizzaw sitwazzjonijiet. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi bħall-kreattività, l-inizjattiva, tenaċità, u ħidma f'tim huma essenzjali għal kulħadd, mhux biss għall-intraprendituri futuri li jixtiequ jistabbilixxu n-negozji. Dawn il-ħiliet għandhom jgħammru ġenerazzjoni biex din taħdem b'mod effettiv fis-setturi kollha u tixpruna l-infrastruttura meħtieġa għal ekonomija Ewropea ta' suċċess.

4.12

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Ewropa “teħtieġ bidla kulturali radikali mifruxa (13) biex tintroduċi metodoloġiji tat-tagħlim intraprenditorjali effettivi fil-klassi. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu introdotti bidliet fit-taħriġ tal-għalliema u l-Istati Membri għandhom jingħataw pariri li jfasslu biżżejjed dispożizzjonijiet għall-iżvilupp tal-għalliema f'dan il-qasam. It-twettiq tal-politika tiddependi minn persunal adattat, li jeħtieġ li jkun imħarreġ u appoġġjat.

4.13

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE (14) diġà ġibed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet tat-tnaqqis tar-rwol tal-kuntratti permanenti għall-impjieg ta’ nisa u rġiel żgħażagħ u rrakkomanda li jiġu kkunsidrati r-riskji li jiġu minn dan l-iżvilupp. Il-kuntratti temporanji, li llum il-ġurnata huma komuni għaż-żgħażagħ, partikolarment għal dawk li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom, wasslu għal suq tax-xogħol iktar segmentat. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil dan l-aspett, li wkoll għandu implikazzjonijiet importanti għax-xbieki tas-sigurtà soċjali (inqas kontribuzzjonijiet) u l-koeżjoni fis-soċjetajiet tal-Istat Membri.

4.14

Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi restrizzjonijiet fuq deċiżjonijiet baġitarji tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk soġġetti għal programmi ta' aġġustament fiskali – sitwazzjoni li qed tiggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-UE stess. Il-Kumitat iwissi li t-tnaqqis li qed jiġi applikat għall-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed joħloq sitwazzonijiet fejn inizjattivi u proposti vitali qed jispiċċaw sempliċiment dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni tajba. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jappoġġja l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem ta' “L-edukazzjoni hija investiment! L-infiq fl-edukazzjoni m'għandux jitqies fid-defiċit!”

4.15

L-inizjattivi kollha biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ għandhom ikunu implimentati f'waqthom madwar l-Ewropa, u iffinanzjati b’mod adegwat, permezz tal-FSE u fondi strutturali oħra. Il-KESE jħoss li dan huwa investiment kruċjali fil-futur tal-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ kollha mingħajr diskriminazzjoni. Il-partijiet interessati rilevanti (inklużi l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom ikunu involuti fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li, meta jintużaw il-Fondi Strutturali, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, inkluża azzjoni biex jiġu pprogrammati mill-ġdid fondi mhux minfuqa, fejn xieraq.

Brussell, 30 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-kunċett ta' “Impjiegi Diċenti” tfassal mill-kostitwenti tal-ILO – gvernijiet, impjegaturi u ħaddiema – abbażi ta' fehim li x-xogħol huwa sors ta' dinjità umana, koeżjoni soċjali, paċi fil-komunità, demokrazija u tkabbir ekonomiku li jwessa' l-opportunitajiet għal impjiegi ta' kwalità u l-iżvilupp tal-intrapriżi. ILO, www.ilo.org.

(2)  Ara “Key Data on Teachers & School Leaders in Europe”. 2013, Rapport Eurydice, Kummissjoni Ewropea.

(3)  Fuq inizjattiva taċ-ċittadini Griegi u promossa minn DIKTIO – “The Network”.

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li sal-2020, is-settur industrijali għandu jgħodd għal 16 % tal-PDG tal-UE.

(5)  Kummissjoni Ewropea, 10 ta' Ottubru 2012, “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku”.

(6)  ĠU C 68/11, 6.3.2012, p. 11-14, ĠU C 143/94, 22.05.2012, p; 94-101; ĠU C 299/97, 4.10.2012, p. 97-102; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 161, 06.06.2013, p. 67-72.

(7)  “Fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, l-impjegati żgħażagħ mhux biss huma l-aħħar li jiġu impjegati iżda wkoll l-ewwel li jintbagħtu 'l barra, billi jiswa iktar għal dawk li jħaddmu li jagħtu s-sensja lil ħaddiema ikbar fl-età. Hemm inqas ċans li l-ħaddiema żgħażagħ ikunu ngħataw taħriġ mill-kumpanija, għandhom inqas ħiliet, u huma ta' spiss fuq kuntratti temporanji” [...] “Anke meta ż-żgħażagħ huma impjegati, jistgħu ma jkunux f'impjiegi tajbin. Fil-pajjiżi żviluppati, ħafna drabi jkunu fuq kuntratti temporanji sabiex ikun iktar faċli li jingħataw is-sensja, jew ikollhom xogħol li ma jisfruttax il-kapaċitajiet tagħhom billi jkun ta' livell inqas mill-kwalifiki tagħhom.” (Forum Ekonomiku Dinji – Viżwalizzazzjoni tal-Qgħad fost iż-Żgħażagħ 2013) http://www.weforum.org/community/global-agenda-councils/youth-unemployment-visualization-2013.

(8)  COM(2013) 447 final, Ġunju 2013.

(9)  “Il-politika industrijali, għandha dimensjoni soċjali qawwija li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà [...] is-settur tal-edukazzjoni u l-universitatjiet, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Il-politika industrijali hija marbuta kemm mar-ristrutturar kif ukoll mal-antiċipazzjoni. Għandha tipprovdi edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni aġġornati, u trawwem it-teknoloġija, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija. Irid jiġi antiċipat ukoll it-tibdil demografiku u ssir reazzjoni adatta.”. ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.

(10)  ETUC, BUSINESS EUROPE, UEAPME u CEEP, 11 ta' Ġunju 2013.

(11)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58-64.

(12)  “Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija waħda mid-dimensjonijiet li l-miżuri ta’ politika għandhom iqisu sabiex effettivament jiġġieldu l-qgħad fost iż-żgħażagħ.[…]. In-nisa żgħażagħ huma aktar probabbli milli ż-żgħażagħ irġiel li jkunu bla impjieg, edukazzjoni jew taħriġ [...] Iż-żgħażagħ irġiel ikollhom tranziżżjoni ta' suċċess (jiġifieri b'kuntratt permanenti). B'kuntrast, in-nisa żgħażagħ huma aktar probabbli li jkunu ħaddiema part-time u temporanji u jibdew fil-pożizzjoni doppjament fraġli ta' post temporanju u part-time. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għalhekk tispeċifika li l-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom jagħtu attenzjoni lis-sessi u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira.” László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Mejju 2013.

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar Inressqu ż-Żgħażagħ lejn l-Impjiegi, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97-102.


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni”

2014/C 311/03

Relatur: is-Sur Iozia

Korrelatur: is-Sur LEIRIÃO

Nhar id-19 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa konvint li biex jieqaf it-tmaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-UE, hemm bżonn li l-industrija tiġi tirkupra, b'mod partikolari dik tal-manifattura, aspett li jagħti s-saħħa fl-istruttura produttiva. F'din l-Opinjoni jipproponi li jidentifika xi miżuri utli għall-appoġġ tal-inizjattiva tal-Kummissjoni, mmirata għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-rimpatriju tal-intrapriżi li trasferew l-attività tagħhom band'oħra. Anke l-Kummissjoni Ewropea nediet analiżi dwar is-suġġett tar-rimpatriju. Il-KESE huwa sodisfatt li fl-istess waqt li din l-Opinjoni kienet qed titfassal, il-Eurofound ġie inkarigat li jippreżenta sett ta' data meħtieġ biex jinftiehem d-daqs tal-fenomenu tar-rimpatriju u tas-soluzzjonijiet possibbli.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-proġett propost mill-Viċi President tal-Kummissjoni Tajani, li tiġi żviluppata politika ta' reindustrijalizzazzjoni tal-UE, li ' ġġib lura l-livell tal-industrija fil-PDG Ewropew għal almenu 20 % mill-15,1 % fil-preżent u jipproponi li jwessa' l-proġett filwaqt li jsaħħu, bl-għan ta' “Patt soċjali Ewropew għal industrija ġdida, sostenibbli u kompetittiva”. Fil-Komunikazzjoni (1) reċenti tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat xi prijoritajiet fosthom

il-kompetittività industrijali tiġi integrata b'mod aktar profond b'attenzjoni partikolari għall-produttività fil-qasam tas-servizzi għall-intrapriżi biex tikber il-kompetittività industrijali u dik tal-ekonomija tal-Unjoni b'mod ġenerali;

il-potenzjal tas-suq intern jiġi massimizzat bl-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa, filwaqt li jingħata qafas regolatorju stabbli u sempliċi, kif ukoll

implimentazzjoni deċiżiva tal-istrumenti tal-iżvilupp reġjonali flimkien mal-istrumenti nazzjonali u tal-Unjoni b'appoġġ għall-innovazzjoni, il-ħiliet u l-intraprenditorija.

1.3

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-KESE jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi pjan ta' azzjoni Ewropew dwar dawn il-punti u jagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi:

fl-identifikazzjoni ta' politiki li jħaffu l-innovazzjoni u l-produttività biex jinħoloq vantaġġ kompetittiv;

fl-identifikazzjoni ta' strumenti bankarji ġodda li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament u jħaffu l-investimenti mitlubin;

fil-promozzjoni ta' miżuri li jassiguraw il-parteċipazzjoni tal-industriji tal-manifattura Ewropea fil-fażijiet kollha tal-katina tal-valur;

li r-reindustrijalizzazzjoni u r-rimpatriju għandhom jiddaħħlu f'politika industrijali Ewropea sostenibbli li tiffoka fuq l-investiment, it-teknoloġija, l-intraprenditorija, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-prezzijiet tal-enerġija, l-infrastruttura, il-kummerċ, eċċ.;

fil-ħtieġa ta' regolamentazzjoni koerenti, stabbli u sikura;

fl-iżgurar tat-tħaddim effettiv tas-suq intern;

f'leġislazzjoni ambjentali koerenti maċ-ċikli tal-kompetittività u l-investiment tal-industrija Ewropea;

fl-immodernizzar tal-infrastrutturi;

fil-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-intrapriżi;

fis-sostenn għall-politika tal-enerġija Ewropea;

fil-garanzija ta' ħaddiema kwalifikati fis-suq Ewropew;

fl-indirizzar tan-nuqqas ta' ħiliet u kompetenzi fl-industrija tal-manifattura;

fl-iżvilupp ta' sistema għall-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani li tippromovi kemm l-attivitajiet kif ukoll il-kompetenzi professjonali u l-innovazzjoni, b'mod partikolari, li jsir użu tal-potenzjal kreattiv ta' entitajiet tas-soċjetà ċivili bħalma huma l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tal-inġiniera u tar-riċerkaturi.

Il-KESE jinsisti mal-Istati Membri dwar:

il-bini ta' distretti industrijali u installazzjonijiet ġodda jew it-tiġdid ta' dawk li naqqsu l-attività tagħhom minħabba fid-delokalizzazzjoni 'l barra tal-industrija tal-manifattura;

l-aġġornament jew tiġdid tal-istrumenti u l-proċessi ta' produzzjoni biex ikunu koerenti mar-rekwiżiti l-ġodda tal-politika ta' żvilupp sostenibbli;

is-sistema ta' taxxi aktar ibbilanċjata u stabbli għall-promozzjoni tal-konsum domestiku u biex tiġbed l-investiment barrani dirett;

l-organizzazzjoni ta' ċentri speċjali ta' informazzjoni għall-proċessi ta' delokalizzazzjoni u rimpatriju;

1.4

Il-KESE jqis li politika industrijali integrata b'għanijiet ċari fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali kapaċi li tiġbed l-investimenti fis-setturi kollha tal-manifattura (b'livelli ta' teknoloġija għolja jew baxxi) hija ta' importanza fundamentali. Dawn il-politiki għandhom jiffokaw fuq il-katina ta' valur globali u jinkludu l-attivitajiet ta' riċerka, innovazzjoni u żvilupp.

1.5

Il-KESE huwa konvint li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi u fl-istess ħin realistiċi li għandhom jintlaħqu sal-2020, għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa. F'dan il-kuntest, politiki li jiffavorixxu r-rimpatriju ta' attivitajiet ta' produzzjoni li ġew trasferiti jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet proposti.

1.6

Ir-raġunijiet ewlenin għar-rimpatriju miċ-Ċina għall-Punent jistgħu jinġabru f’dawn il-punti:

l-ispejjeż biex taħdem off-shore huma aktar għoljin milli kien previst;

żieda fil-produttività u tnaqqis fl-ispejjeż kif ukoll titjib fil-kapaċità li ħafna kumpaniji nazzjonali fil-Punent għamlu wara li segwew programmi ta' titjib kontinwu;

xewqa li l-produzzjoni u d-disinn jiġu lokalizzati biex ikun hemm kollaborazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali;

kumplessità li qed tiżdied tal-prodotti u l-ħtieġa li jiġi modifikat l-imballaġġ biex jissodisfa l-preferenzi tal-klijenti;

tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija fl-Istati Uniti;

inizjattivi tat-tkabbir aktar b'saħħithom fl-Istati Uniti;

ħtieġa ta' produzzjoni żejda biex jimtlew il-kontejners;

dewmien biex jaslu l-prodotti minħabba inċertezzi tat-trasport, kwalità mhux konsistenti u prattiki doganali;

żieda fil-prezzijiet tat-trasport minħabba vapuri nofshom vojta;

ħażniet kbar biex jikkumpensaw għall-merkanzija fi tranżitu, iċ-ċikli, il-ħażna ta' sikurezza, in-nuqqas ta' inċertezza dwar kemm idumu biex jaslu l-affarijiet u l-kontrolli tal-kwalità;

żieda fl-ispejjeż straordinarji;

id-difetti huma aktar meta mqabbla mas-sorsi lokali, spezzjonijiet addizzjonali tal-materjali u tat-tolleranza, klijenti inqas sodisfatti;

tnaqqis fid-differenzi tal-ispejjeż bejn il-pajjiż ospitanti u dawk tal-pajjiż ta' oriġini (spejjeż tal-forza tax-xogħol u tat-trasport);

elementi operattivi bħal: inqas flessibbiltà operattiva, ordni tal-akkwist, riġidità fil-post tar-rilaxx; penali għall-ordnijiet li jaslu tard;

l-ordnijiet iridu jsiru almenu għal ammont minimu minħabba fid-daqs tal-kontejner;

risposta li ma tlaħħaqx mad-domanda tal-klijenti minħabba fis-separazzjoni fiżika bejn il-post tal-produzzjoni u ċ-ċentru tal-iżvilupp;

1.7

L-industriji tal-manifattura għandhom bżonn ta' provvisti reżiljenti u flessibbli biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq tal-lum. Ir-rimpatriju tal-produzzjoni huwa wieħed mit-toroq li jistgħu jieħdu l-intrapriżi biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet. Għall-KESE, il-politiki ċentrali li jappoġġjaw l-industriji tal-manifattura li jagħżlu li jirritornaw u/jew jespandu n-negozju tagħhom fl-Ewropa jikkonsistu fil-ħolqien ta' ambjent adegwat għall-intrapriżi li jinvestu, il-kompetenzi professjonali, l-spejjeż tal-enerġija kompetittivi, l-aċċess għall-finanzjament u l-aċċess għas-swieq.

1.8

Il-Kummissjoni nnotat li bejn l-2008 u l-2012, fl-UE, il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku li l-industrija kellha tħallas żdiedu b'medja ta' 3,5 % kull sena u dawk tal-gass b'1 %. B'konsegwenza huwa stmat li l-prezzijiet tal-elettriku kkonsumat mill-industrija fl-UE huma d-doppji meta mqabbla ma' dawk fl-Istati Uniti u r-Russja u 20 % aktar minn dawk fiċ-Ċina skont id-data tal-Aġenzija internazzjonali għall-enerġija (2). Id-differenza fil-prezzijiet hija kbira ħafna fir-rigward tal-gass: il-gass fl-UE jiswa minn tlieta sa erba' darbiet aktar għall-industrija tal-UE milli għall-konkorrenti fl-Istati Uniti, ir-Russja u l-Indja, dan jiswa 12 % aktar meta mqabbel maċ-Ċina iżda huwa irħas milli fil-Ġappun. Madankollu, il-prezzijiet li fil-fatt jitħallsu mill-utenti industrijali jistgħu jvarjaw b'mod notevoli minn Stat Membru għall-ieħor". (3)

1.9

Il-KESE eżamina fil-fond il-kwistjoni tal-industriji b'użu intensiv tal-enerġija fl-Ewropa (4) u ppropona serje ta' miżuri u rakkomandazzjonijiet biex jippermettilhom ikomplu jipproduċu fl-Ewropa, u hawnhekk ukoll jerġa jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej ifasslu politika komuni għall-enerġija u jaffrontaw il-problema tal-kompetittività tal-fatturi kapitali u tal-enerġija. Jisiteden lill-partijiet soċjali jinfurżaw il-kooperazzjoni tagħhom fi ftehim għall-iżvilupp li jikkunsidra l-partikolarità u d-difiża tal-mudell soċjali Ewropew, li jiggarantixxi l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat ta' Lisbona ta' ekonomija soċjali tas-suq.

1.10

Il-koerenza bejn il-politiki għandha implikazzjonijiet importanti. L-ewwel implikazzjoni hija li l-iżvilupp futur jinsab fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u dan l-orizzont jeħtieġ koerenza bejn ir-riċerka, il-liġijiet u l-programmi ta' appoġġ. It-tieni tirrigwarda l-iżvilupp soċjalment sostenibbi u b'hekk ir-rabta bejn il-kompetittività u x-xogħol, jiġifieri, xogħol kwalifikat u inklussiv għal kulħadd, li jkun kapaċi jiġġenera żvilupp ta' kwalità u b'hekk valur miżjud f'termini ta' kompetittività.

1.11

Il-KESE jqis li relazzjoni aħjar bejn l-intrapriżi u l-banek b'enfasi fuq l-ekonomija reali tista' toħloq sinerġiji li jagħtu r-riżultati, u tisfrutta l-vantaġġi kompetittivi marbutin mal-preżenza tagħhom fis-swieq barranin.

1.12

L-intrapriżi Ewropej għandhom jinvestu l-ewwel fl-innovazzjoni, il-kwalità, l-affidabbiltà, ir-riżultati u l-funzjonalità tal-prodotti tagħhom, għandhom jikkwalifikaw l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fl-aħħar ikunu ta' eżempju fir-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-proċessi produttivi tagħhom. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-intrapriżi, huwa daqstant ieħor meħtieġ li l-ispejjeż – b'mod partikolari l-ispejjeż tal-pagi u l-enerġija – jitrażżnu u li għaldaqstant jittieħdu l-miżuri neċessarji.

1.13

It-tranżizzjoni tas-sistemi produttivi tagħna, l-infrastruttura u l-ekonomiji lejn is-sostenibbiltà u t-tibdil demografiku, it-taħriġ tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u l-adattar tal-forza tax-xogħol Ewropea għad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol, teħtieġ investimenti kbar, biex issir b'mod koerenti u koordinat fuq skala Ewropea.

1.14

Huwa importanti li tinżamm bażi ta' manifattura vasta u diversifikata fl-Ewropa biex jinżammu ħajjin il-kompetenzi li meta jintilfu, diffiċli li jerġgħu jiġu żviluppati. F'kuntest aktar wiesgħa, kompetenzi speċifiċi tal-manifattura, f'industriji partikolari jistgħu jkunu kontribut importanti biex jiġu żviluppati prodotti ġodda.

1.15

Hemm bżonn li l-ħila tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni tissaħħaħ u tinżamm b'mod li tagħti garanzija ta' żvilupp sostenibbli, stabbli u dejjiemi. Għal dan il-għan hemm bżonn ta' liġijiet intelliġenti, effiċjenti u effikaċi li jippromovu l-aħjar kundizzjonijiet, jiggwidaw pożizzjoni teknoloġika dominanti, joħolqu impjiegi ta' kwalità fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-manifattura, kif ukoll jippromovu s-sikurezza u s-sostenibbiltà (5).

L-intrapriżi li jikkunsidraw li jiddelokalizzaw għandhom ikunu jafu x'inhuma jfittxu u kif jistgħu jiksbuh ġewwa l-UE. Huma għandhom bżonn tal-aċċess għal data affidabbli, informazzjoni u pariri biex ikunu jistgħu jipprevedu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi fosthom l-ispejjeż reali. Ir-rappreżentanzi tal-UE u tal-Istati Membri fil-pajjiżi importanti għandhom isaħħu l-assistenza li joffru l-istess bħalma għandhom jagħmlu l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dan kollu biex jiġi verifikat jekk l-istess għan jistgħax jintlaħaq fi ħdan l-Unjoni.

1.16

Ir-raġunijiet ewlenin li jwasslu għar-rimpatriju huma ppreżentati fil-punt 1.6

1.17

Il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tinkludi l-proċess tar-rimpatriju fl-aġenda industrijali bħala element li jippromovi l-attività industrijali, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u li jwassal biex il-manifattura tkun il-mutur tal-ġejjieni tal-Ewropa. Il-ftehim li ntlaħaq reċentement mal-Eurofound huwa pass żgħir fid-direzzjoni t-tajba.

2.   Introduzzjoni

2.1

“Ma nistgħux inkomplu nħallu l-industrija tagħna titlaq mill-Ewropea. L-indikaturi tagħna huma ċari: l-industrija Ewropea tista' tiżviluppa t-tkabbir u toħloq ix-xogħol. Illum ħloqna l-kundizzjonijiet għar-reindustrijalizzazzjoni sostenibbli tal-Ewropa, biex jiġu żviluppati l-investimenti meħtieġa fit-teknoloġiji l-ġodda u biex terġa' tinbena klima ta' fiduċja u ta' intraprenditorija. Nistgħu nġibu l-industrija lura fl-Ewropa billi naħdmu flimkien u nsaħħu l-fiduċja” (6).

2.2

Tul dawn l-aħħar snin rajna d-delokalizzazzjoni progressiva tal-attivitajiet ta' manifattura mill-Ewropa għal pajjiżi terzi u d-deindustrijalizzazzjoni progressiva li wasslet għal telf tal-livell speċifiku tal-kontribut għall-PDG li fi ftit snin niżel minn 20 % għal 15 %. Fl-UE intilfu 3,5 miljun impjieg mill-industrija tal-manifattura mill-2008.

2.3

Sa mis-snin sebgħin, id-delokalizzazzjoni 'l barra mill-pajjiż, jiġifieri d-deċiżjoni li l-produzzjoni ssir f'pajjiż barrani kienet waħda mill-istrateġiji l-aktar mifruxa fost l-intrapriżi tal-manifattura tal-pajjiżi industrijalizzati ewlenin tal-punent. Spiss, din l-għażla ta' ġestjoni kienet akkumpanjata mill-esternalizzazzjoni tal-attività ta' manifattura. (outsourcing), li kkontribwixxiet għall-ħolqien ta' fenomeni ekonomiċi bħall-“Global factory”, l-“International supply chain” u il-“Global commodity chains”, dawn tal-aħħar wara ġew definiti bħala “Global value chains” (7).

2.4

Il-proċess taċ-“ċaqliq tar-rikkezza” mill-pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi bi dħul medju, kbar u b'popolazzjoni kbira ġie gwidat fil-parti l-kbira miċ-Ċina u l-Indja, iżda qed jikkontribwixxu għalih wkoll pajjiżi oħra fosthom il-Brażil u l-Afrika t'Isfel. Fid-dinja, 20 pajjiż produttur ewlieni fosthom l-Istati Uniti u l-UE (Ġermanja, Italja, Franza, Renju Unit, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi) irreġistraw tnaqqis kbir ħafna fl-attivitajiet industrijali tal-manifattura mill-1990. Fl-Istati Uniti, mill-1987 l-impjieg privat fl-industrija tal-manifattura waqa' minn 21 % għal anqas minn 11 % (8).

2.5

“Il-politiki kontra l-kriżi tal-pajjiżi tal-euro għandhom jiġu riveduti, peress li jistgħu jkomplu jikkumplikaw is-sitwazzjoni”. “Jekk il-kawża tal-kriżi tinsab fid-diskrepanzi li qed jiżdiedu bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro, allura rridu nikkoreġu l-politika tagħna tal-awsterità. Din il-politika waħedha ma tistax issovli l-problma tan-nuqqas ta' kompetittività tal-Ewropa, għall-kuntrarju tista' twassal għal sitwazzjoni aktar serja” (9).

2.6

It-tul tal-kriżi ekonomika u tad-dejn sovran f'xi pajjiżi bi produzzjoni tal-manifattura għolja, wassal għal tnaqqis ulterjuri tal-attività industrijali sekondarja. L-ispiża għolja tal-enerġija, b'mod partikolari għas-setturi li jikkunsmaw ħafna enerġija (pereżempju l-produzzjoni tal-azzar), tiskoraġġixxi l-investiment u wasslet għal każijiet ta' delokalizzazzjoni.

2.7

L-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi l-użu tat-teknoloġiji abilitanti (KET) u l-awtomatizzazzjoni. Fatturi oħra bħall-produzzjoni nadifa u avvanzata, investimenti f'netwerks intelliġenti kif ukoll effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mobbiltà sostenibbli, għandhom rwol importanti fil-ġejjieni tal-industrija Ewropea, flimkien mal-possibbiltà li jinħolqu impjiegi ġodda fi żmien qasir.

3.   Il-Politika industrijali Ewropea u r-reindustrijalizzazzjoni

3.1

Il-politika industrijali attwali tal-Unjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb il-qafas legali fis-seħħ u li tagħmel l-intrapriżi aktar kompetittivi b'mod li dawn ikunu jistgħu jżżommu r-rwol tagħhom ta' mutur għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Ewropa. L-Artikolu 173 tat-Trattat (TFUE) jifforma l-bażi legali għall-politika industrijali tal-UE.

B'reindustrijalizzazzjoni qed nifhmu għadd ta' inizjattivi u programmi li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u produttiv f'żoni territorjali milquta mill-kriżi industrijali, dik soċjoekonomika u dik ambjentali. L-Ewropa għandha bżonn aktar minn qatt qabel li l-ekonomija reali tagħha tappoġġja l-irkupru fit-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' fażi ġdida ta' reindustrijalizzazzjoni. L-industrija għanda effett importanti ta' stimolu. Huwa kkalkulat li mitt post tax-xogħol maħluqa f'dan is-settur jippermettu li jinħolqu daqstant ieħor f'setturi oħra tal-ekonomija (10). Fil-komunikazzjoni “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” adottata fit-22 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ċentrali tal-industrija għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u biex jiġu inklużi b'mod aktar sistematiku t-temi marbutin mal-kompetittività fl-oqsma kollha politiċi (11).

3.2

Fl-2012, il-Kummissjoni nediet strateġija għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa bil-għan li żżid is-sehem tas-settur tal-manifattura fl-ekonomija Ewropea minn 15 % għal 20 % tal-PDG sal-2020. Din l-inizjattiva hija bbażata fuq erba' pilastri: investiment akbar fl-innovazzjoni, taħriġ marbut b'mod dirett mal-ħtiġijiet tal-intrapriżi, aċċess aħjar għall-finanzi u għas-swieq (12).

3.3

Il-KESE jqis li l-Unjoni għandha tiżviluppa strateġija unifikata: politika industrijali Ewropea, li tidentifika s-setturi strateġiċi biex tissaħħaħ il-katina sħiħa tal-attività tal-manifattura, kemm jekk huma prodotti finali kif ukoll prodotti nofshom lesti. Il-KESE fassal Opinjoni (13) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni għall-industrija tal-azzar (14), li fiha identifika miżuri konkreti u urġenti biex tiġi appoġġjata waħda mill-bażijiet tal-industrija tal-manifattura: prodotti bażiċi ta' kwalità għolja li joffru valur miżjud ġenwin għall-industriji li jsegwu fil-proċess, b'mod partikolari l-industrija tal-mekkanika tal-elettronika u tal-inġinerija, il-mekkanika preċiża, l-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-kostruzzjoni u dik tal-bini tal-vapuri, biex insemmu biss l-aktar importanti.

3.4

F'diversi opinjonijiet dwar it-trasformazzjoni industrijali, il-KESE ssuġġerixxa soluzzjonijiet u identifika toroq biex l-industrija Ewropea terġa' tokkupa l-ispazju li jistħoqqilha. Il-KESE huwa assolutament konvint li l-irkupru tal-industrija, huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku, it-tkabbir u l-prosperità, jiġifieri l-bażi tal-mudell soċjali Ewropew.

3.5

“Il-manifattura tibqa' il-mutur tat-tkabbir ekonomiku: fir-reġjuni li fihom l-industrija żiedet ir-rilevanza tagħha, il-PDG kiber aktar. Spjegazzjoni ta' dan hija li fil-manifattura tiġi ġġenerata ż-żieda fil-produttività anke għas-setturi l-oħra permezz tal-innovazzjoni li tiddaħħal fil-prodotti u l-proċessi: il-kompjuterizzazzjoni tas-servizzi ma kienet isseħħ qatt mingħajr il-prodott manifatturat li huwa l-kompjuter. Filfatt huwa fil-manifattura fejn jiġu konkretizzati r-riċerka u l-iżvilupp li huma l-bażi tal-innovazzjoni” (15)  (16).

3.6

Żdiedu l-mezzi finanzjarji Ewropej disponibbli. Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni żdied minn EUR 54 għal EUR 80 biljun. Il-fondi strutturali u tal-investiment Ewropej huma disponibbli għall-Istati Membri għal ammont ta' almenu EUR 100 biljun biex jiffinanzjaw l-investiment fl-innovazzjoni, b'koerenza mal-prijoritajiet tal-politika industrijali. COSME, il-programm Ewropew għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs 2014-2020 għandu baġit dedikat ta' EUR 2,3 biljun. SPIRE, Sustainable Process Industry through Resource and Energy Efficiency (Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija) , huwa s-sħubija l-ġdida bejn is-settur pubbliku u dak privat iffirmata f'Diċembru 2013 u parti mill-Orizzont 2020 b'baġit totali tal-UE ta' EUR 900 miljun għas-seba snin li ġejjin (17).

3.7

“In-nanoteknoloġija, il-mikro u n-nanoelettronika, anke fil-kamp tas-semikundutturi, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija u l-fotonika, l-użu tar-robots fil-produzzjoni u l-istampar tridimensjonali huma kollha setturi li qed juru tkabbir spettakolari fl-UE. Il-fatt li dawn it-teknoloġiji qed tinkiseb profiċjenza dwarhom iwassal għall-possibbiltà li mmexxu t-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien ikkaratterizzata minn emissjonijiet baxxi tal-karbonju” (18).

3.8

Fl-abbozz ta' rapport tal-PE dwar ir-reindustrijalizzazjoni għall-promozzjoni tal-kompetittività u s-sostenibbiltà (19), jiġi enfasizzat li “il-futur tal-industrija jinsab fl-istrateġija ta’ Qawmien mill-Ġdid tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli (RISE) li tfittex innovazzjoni teknoloġika, kummerċjali u soċjali lejn rivoluzzjoni industrijali li tinkludi offensiva favur il-modernizzazzjoni b’użu baxx ta’ karbonju”.

3.9

Il-futur komuni huwa ta' Ewropa bħala reġjun tal-industriji moderni, iżda dan jeħtieġ sforz ġenwin ta' modernizzar fuq almenu ħames livelli: tisħiħ tal-innovazzjoni teknoloġika u produttiva, b'investiment fir-riċerka u l-kompetittività; tnaqqis tad-dewmien, tan-nuqqas ta' ċarezza u l-piż tal-amministrazzjoni pubblika, faċilitazzjoni tal-operat tal-SMEs; tnedija mill-ġdid tal-infrastruttura tal-informatika u kanali adegwati (Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Ten-T, Ten-E e Aġenda Diġitali); ċirkolazzjoni tal-kapital li jkun aċċessibbli, li jaġixxi ta' lieva biex jippromovi u jiġbed ir-riżorsi privati u li jkollu wkoll għanijiet ta' investiment fuq terminu medju.

4.   Ir-rimpatriju

4.1

Ir-rimpatriju (reshoring) huwa strateġija intraprenditorjali volontarja li tirrigwarda r-ritorn parzjali jew totali ta' delokalizzazzjoni preċedenti (in-sourced jew out-sourced) tal-produzzjoni fil-pajjiż ta' oriġini (Back-shoring) jew fir-reġjun tal-pajjiż ta' oriġini (20). L-offshoring huwa d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni min-naħa ta' kumpanija jew ta' parti minnha, minn pajjiż Ewropew għal pajjiż barrani.

4.2

F'dawn l-aħħar snin ħafna industriji ddeċidew li jibagħtu parti mill-katina tagħhom tal-produzzjoni barra mill-UE, fil-bidu biex joqorbu lejn is-swieq emerġenti u wara, l-aktar għal raġunijiet ta' spejjeż aktar baxxi għall-forza tax-xogħol u l-viċinanza tar-riżorsi. Din it-tendenza wasslitna għas-sitwazzjoni li fiha llum is-suq Ewropew, b'500 miljun resident, huwa konsumatur kbir ta' prodotti industrijali mhux Ewropej. Liema fatturi jistgħu jinfluwenzaw ir-rimpatriju ta' dawn il-kumpaniji? Fil-livell nazzjonali u Ewropew, ir-rimpatriju ta' parti minn dawn il-kumpaniji jista' jwassal għal vantaġġi li m'għandhomx jiġu sottovvalutati bħall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, tnaqqis fit-telfien ta' ħiliet, u tisħiħ tat-tikketta “made in”. Fid-dawl tal-fatturi u d-dinamiċi importanti li jinfluwenzaw l-għażla tad-delokalizzazzjoni u/jew ir-rimpatriju, hija meħtieġa analiżi ddettaljata tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-intrapriża individwali.

4.3

Il-proċess ta' offshoring għadu għaddej mill-Ewropa lejn l-Asja. Fil-perjodu 2007-2009 madwar 40 % tal-intrapriżi li impjegaw aktar minn 50 persuna bidlu l-post tal-produzzjoni tagħhom b'xi mod, speċjalment dawk li għandhom konsum għoli tal-enerġija. Għall-kuntrarju hemm għadd ta' pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li żammu perċentwal notevoli ta' attivita tal-manifattura.

4.4

L-intrapriżi Ewropej huma kawti ħafna u jevitaw li jippjanaw investimenti ulterjuri jew li jibdlu l-fornituri li għandhom minħabba fil-kriżi li għada għaddejja.

4.5

Hemm diversi fatturi fl-UE li għandhom impatt negattiv fuq il-proċess tar-rimpatriju fosthom:

euro b'saħħtu ħafna

produttività baxxa

spejjeż soċjali aktar għoljin meta mqabbla mal-pajjiżi bi spejjeż tax-xogħol aktar baxxi u mingħajr ħarsien soċjali.

spejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu

nuqqas ta' soluzzjonijiet pożittivi

Possibbiltà waħda tista' tkun il-ħolqien ta' inizjattivi speċifiċi għar-rimpatriju fit-territorji li huma l-aktar żvantaġġjati.

4.6

It-tendenza tar-reshoring fl-Istati Uniti

4.6.1

Il-kumpaniji Amerikani qed jirrimpatrijaw il-produzzjoni tagħhom b'mod progressiv. Il-bidla tirrifletti t-telf tal-vantaġġ kompetittiv fiċ-Ċina bħala ċentru tal-produzzjoni bi spejjeż baxxi wara s-snin ta' żieda mgħaġġla fil-pagi u għadd ta' fatturi oħra. Wieħed mill-fatturi li ffavorixxa r-rimpatriju kien it-tnaqqis fil-prezz tal-enerġija fl-Istati Uniti.

4.6.2

Fiċ-Ċina it-tendenza reċenti kienet ikkawżata minn żieda fl-ispejjeż tax-xogħol, il-prezzijiet tal-enerġija, l-impatt fuq l-innovazzjoni, is-serq tal-propjetà intellettwali u użu akbar tat-teknika tal-analiżi tal-ispejjeż totali li tikkunsidra u tikkalkola l-ispejjeż u r-riskji kollha. Bl-użu tat-TCO (Total Cost of Ownership) il-kumpaniji li jwettqu l-analiżi jgħinu biex jiġu identifikati b'mod realistiku l-ispejjeż kollha marbutin mal-operazzjoni tad-delokalizzazzjoni.

4.6.3

Is-setturi industrijali li qed jipparteċipaw fl-attività tar-rimpatriju huma l-produtturi tal-għodod, il-vetturi, u l-metalli primarji, prodotti magħmulin mill-metall, ir-robotika, l-istrumenti mediċi, xjentifiċi u tas-saħħa, il-kompjuters, l-elettronika, il-prodotti kimiċi, il-plastiks, l-imballaġġ, eċċ.

4.6.4

Il-loġika tar-rimpatriju tapplika għall-kumpaniji kollha tal-manifattura fid-deċiżjoni tagħhom. Peress li l-kumpaniji qed iwettqu analiżi tal-ispejjeż totali aktar kompluta qed jiskopru li mal-ispejjeż tal-forza tax-xogħol qed jiżdiedu “spejjeż moħbija” fid-delokalizzazzjoni li spiss jikkanċellaw il-vantaġġ kompetittiv.

4.6.5

Hemm moviment li fih qed jipparteċipaw il-gvern tal-Istati Uniti u diversi assoċjazzjonijiet għall-ħolqien ta' tikketta ġdida “Made in America, Again” bil-għan li jħeġġeġ lill-klijenti li jixtru prodotti u tagħmir Amerikani. “Reshore now” hija inizjattiva oħra fil-livell nazzjonali għar-rimpatriju tal-kumpaniji fit-territorju Amerikan (21).

4.6.6

Il-kumpaniji li ġew rimpatrijati b'mod konsistenti qed inaqqsu l-ħażna tagħhom b'50 %, hemm każijiet fejn sar tnaqqis fil-ħażna bi tliet jew sitt darbiet. Ir-raġunijiet għat-tnaqqis tal-ħażna huma: kundizzjonijiet aħjar tal-pagamenti, kwantità iżgħar ta' stokkijiet u żminijiet iqsar għall-kunsinna li huma wkoll aktar prevedibbli.

4.6.7

Stħarriġ tal-MIT staqsa wkoll lill-kumpaniji x'tista' tkun il-miżura li jieħu l-gvern li tagħmel id-differenza. Skont il-kumpaniji Amerikani l-ewwel ħames miżuri, fl-ordni tal-importanza li l-gvern tal-Istati Uniti jista' jwettaq biex jinċentiva r-rimpatriju huma:

1.

tnaqqis fit-taxxi (68,3 %);

2.

krediti tat-taxxa (65,9 %);

3.

inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp (60,0 %)

4.

l-offerta ta' edukazzjoni aħjar/taħriġ għall-kompetenzi mitluba (43,8 %);

5.

l-offerta ta' infrastruttri aħjar (38,0 %)

4.6.8

Fil-fehma tal-Boston Consulting Group, l-ewwel tlett fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tar-rimpatriju huma: (i) l-ispiża tal-forza tax-xogħol, (ii) il-viċinanza mal-klijenti, (iii) il-kwalità tal-prodott. Fost il-fatturi l-oħra hemm l-aċċess għal ħaddiema kwalifikati, l-ispejjeż tat-trasport, iż-żmien tal-kunsinna u l-ħeffa biex isir in-negozju. L-indikaturi qed juru wkoll li l-Istati Uniti qed isiru produttur irħis fid-dinja żviluppata, u b'hekk qed jidhru dejjem aktar attraenti.

4.7

X'inhuma l-konklużjonijiet tal-istudji u l-istħarriġ dwar il-proċess tar-rimpatriju fl-UE? L-istudji u l-istħarriġ dwar il-proċess tar-rimpatriju fl-Ewropa huma ftit. Studju dwar id-delokalizzazzjoni tal-kumpaniji Ġermaniżi jindika li waħda minn kull sitta sa kwart ta' dawn il-kumpaniji rimpatrijaw lura fi żmien 4 snin; il-kumpaniji Franċiżi tal-IT li ddelokalizzaw ix-xogħol tal-IT ilmentaw dwar spejjeż imprevisti, il-kwalità u problemi ta' loġistika. Studju dwar il-kumpaniji tal-manifattura tar-Renju Unit li ddelokalizzaw il-produzzjoni tagħhom fl-2008-2009 juri li 14 % ta' dawn il-kumpaniji diġà rrimpatrijaw ix-xogħol (22). Fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2010) 614 dwar Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali, il-Kummissjoni semmiet l-idea mingħajr ma użat il-kelma reshoringb'mod espliċitu.

5.   Ir-riżultati tas-Seduta Pubblika fi Brussell u f'Bergamo

5.1

Matul is-seduti pubbliċi organizzati mill-KESE fi Brussell u f'Bergamo ġew preżentati esperjenzi ta' delokalizzazzjoni u ta' rimpatriju b'xenarji possibbli fil-ġejjieni f'setturi differenti tal-industrija tal-manifattura fil-qafas ta' proċess tar-reindustrijalizzazzjoni fl-Ewropa.

5.2

L-ekonomija dinija hija gwidata prinċiplament minn forzi tas-suq li għandhom influwenza qawwija fuq l-għażla ta' kumpanija li tiddelokalizza u/jew tirrimpatrija l-attività produttiva tagħha.

5.3

L-istudju fir-Renju Unit juri li d-delokalizzazzjni f'pajjiż b'forza tax-xogħol irħisa mhux dejjem hija ċ-ċavetta tas-suċċess. L-istruttura tal-katina tal-valur u l-“katina tal-provvista” tikkostitwixxi parti integrali minn dan is-suċċess. Anke jekk l-ispiża tibqa' t-tema prinċipali, is-somma ma tirriżultax biss mill-ispiża tal-forza tax-xogħol iżda wkoll mill-ispiża tal-loġistika u tal-ġestjoni. L-istudju jikkonferma li t-tliet raġunijiet ewlenin li jwasslu lill-kumpaniji li jmorru lura kienu l-iffrankar li kien aktar baxx mill-aspettattivi (50 %), problemi ta' kwalità (43 %) u l-viċinanza tas-suq (36 %). Fost ir-raġunijiet l-oħra hemm il-kapaċità li jiġu rispettati skadenzi qosra, il-viżibbiltà u l-istabbiltà tal-fornituri, u l-ħarsien tal-propjetà intellettwali.

5.4

L-aċċess għas-suq u għall-klijenti huwa u jibqa' fattur ewlieni fid-deċiżjoni. F'xi setturi hemm ostakli ġeografiċi biex jiġu moqdija swieq barranin fosthom eżiġenzi lokali, li minħabba fihom tkun meħtieġa l-istrateġija tad-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom biex ikunu preżenti fis-suq lokali.

5.5

L-aċċess għall-infrastruttura, l-enerġija u t-trasport, huma ta' importanza fundamentali għall-intrapriżi. Illum jeżistu pajjiżi b'infrastrutturi moderni u aċċessibbli li kapaċi jikkompetu ma' dawk Ewropej. L-investimenti fil-futur f'dan is-settur għandhom jitqiesu b'serjetà kbira.

5.6

It-taħriġ professjonali u t-tagħlim għandhom rwol importanti ħafna li m'għandux jiġi sottovvalutat. Il-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp investew u qed jinvestu ħafna fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom u b'hekk qed joħolqu kompetizzjoni għaż-żgħażagħ tagħna. Dawn tal-aħħar qed jemigraw minħabba fin-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol kwalifikat fl-Ewropa. Il-KESE qed ifassal opinjoni dwar ir-relazzjoni bejn it-tagħlim, it-taħriġ professjonali u l-intrapriżi.

5.7

Fis-7 ta' Novembru 2013, l-ETUC (il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropej) adottat id-dokument “Investment plan for good jobs and a sustainable future”, bil-għan li terġa' ġġib it-tkabbir fil-kontinent, toħloq sa' 11-il miljun impjieg, u tinċentiva lill-kumpaniji multinazzjonali biex jiddelokalizzaw fl-Ewropa, bis-saħħa tad-domanda dinamika.

5.8

L-SMEs ġew milquta indirettament mid-delokalizzazzjoni tal-industriji l-kbar, peress li raw tnaqqis fl-ordnijiet għall-produzzjoni tal-komponenti. Is-settur tal-vetturi, pereżempju, ċaqlaq il-produzzjoni tiegħu fil-pajjiżi emerġenti prinċipalment minħabba fit-tkabbir tad-domanda f'dawn is-swieq. Is-settur tal-vetturi issa qed jistenna tnaqqis ta' madwar 70  000 – 85  000 impjieg.

5.9

Is-settur tal-prodotti mill-industrija tal-metalli qed jipprevedi żieda qawwija fit-talba għall-prodotti li żewġ terzi minnha tkun ġejja mill-pajjiżi emerġenti sal-2025. Għal dan il-għan, is-settur irid jibni netwerk ta' kuntatti globali u jiżgura l-preżenza tiegħu fis-suq. L-industriji Ewropej tal-metall u tal-inġinerija jiddelokalizzaw fi swieq li qed jiżviluppaw mhux biss għal raġunijiet ta' spejjeż, iżda biex jissodisfaw id-domanda bi strateġija “in country for country”, biex jiggarantixxu l-provvista ta' prodotti u servizzi lill-produtturi u lill-konsumaturi lokali.

5.10

Waqt is-seduta pubblika f'Bergamo, sar riassunt tal-konklużjonijiet li ġejjin (23):

id-delokalizzazzjoni ma mititx;

ir-rimpatriju jew ir-ritorn fil-viċin huma żewġ possibbiltajiet, iżda m'humiex l-uniċi;

il-ħaddiema rimpatrijati m'humiex dejjem l-istess li ġew delokalizzati (numri differenti, profili ta' xogħol differenti)

l-intraprendituri jridu jqisu it-“Total cost of sourcing” minflok l-ispiża tal-forza tax-xogħol biss (investimenti fil-kapital tax-xogħol; reviżjoni tal-partijiet difettużi)

it-trejdjunjins iridu jqisu “l-ispiża tax-xogħol għal kull unità ta' prodott” minflok “l-ispiża tax-xogħol għal kull siegħa tax-xogħol” (innovazzjoni tal-prodott/proċess, organizzazzjoni tax-xogħol)

dawk responsabbli mill-politika jridu jqisu l-elementi kollha li jinfluwenzaw in-negozju.

Brussell, 29 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM (2014) 14 final

(2)  Dawn il-prezzijiet mhumiex korretti b'differenzi kwalitattivi peress li l-provvista tal-elettriku fl-UE hija aktar affidabbli u fiha inqas interruzzjonijiet milli fil-pajjiżi msemmija.

(3)  COM (2014) 14 final

(4)  ces1857-2011_ac_mt.do

(5)  INT 451/Ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 1.

(6)  Industrial revolution brings industry back to Europe, 10 ta' Diċembru 2012 – il-Kummissarju Tajani.

(7)  Rapport taċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka dwar l-internalizzazzjoni nru.3/2013 p. 57

(8)  The Mechanics Behind Manufacturing Job Losses, William T. Gavin f'Economic Synopses, 2013, n. 20.

(9)  Taħdita Pubblika London school of Economics. 3 ta’ Diċembru 2013.

(10)  http://www.labanconota.it/finanza/globalizzazione-delocalizzazione-reindustrializzazione.html

(11)  http://ec.europa.eu/enterprise/initiatives/mission-growth/index_en.htm

(12)  Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali (COM(2012) 582 final), 10 ta' Ottubru 2012.

(13)  Qed tiġi approvata. CCMI/117 Pjan ta' Azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar.

(14)  COM(2013) 407 final.

(15)  Industria motore di ricchezza? La risposta positiva delle regioni europee (Scenari industriali – Centro studi Confindustria, Ġunju 2011).

(16)  Kapitlu 4, A “manufacturing imperative” in the EU: the role of industrial policy. European Competitiveness Report 2013, Towards Knowledge Driven Reindustrialisation

(17)  http://ec.europa.eu/research/press/2013/pdf/ppp/spire_factsheet.pdf

(18)  Kapitlu 5. EU production and trade based on key enabling technologies. European Competitiveness Report 2013, Towards Knowledge Driven Reindustrialisation

(19)  Relatur: Reinhard Bütikofer PR\936863MT.doc PE510.843v01-00 2013/2006(INI).

(20)  Uni-Club MoRe Back-reshoring Research Group

(21)  http://www.cor.europa.eu

(22)  Leibl, P., Morefield, R. u Pfeiffer, R. (2011), 'A study of the effects of backshoring in the EU', Proceedings of the 13th International Conference of American Society of Business and Behavioural Sciences http://asbbs.org/files/2010/ASBBS_%20Proceedings_13th_Intl_Meeting.pdf

(23)  Uni-Club MoRe Back-reshoring Research Group


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bidliet Industrijali fis-Settur Farmaċewtiku Ewropew”

2014/C 311/04

Relatur: is-Sur Almeida Freire

Korelatur: is-Sur Gibellieri

Nhar id-19 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Bidliet Industrijali fis-Settur Farmaċewtiku Ewropew.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’195 vot favur, 4 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-settur farmaċewtiku hu wieħed mill-aktar importanti u strateġiċi għall-futur tal-Ewropa. L-Ewropa għandha wirt rikk bħala wieħed miċ-ċentri globali ewlenin għall-innovazzjoni farmaċewtika u għandha bosta mill-prekundizzjonijiet għal suċċess kontinwu. Suċċess fil-futur, madankollu, jiddependi mill-ambjent ta’ politika li jappoġġja l-użu xieraq tal-innovazzjoni fis-sistemi tal-kura tas-saħħa Ewropej.

1.2

L-industrija farmaċewtika mhux biss għandha l-ogħla valur miżjud għal kull ħaddiem, l-ogħla intensità fir-riċerka u l-iżvilupp u l-ogħla bilanċ kummerċjali favorevoli fost is-setturi kollha tat-teknoloġija avvanzata, iżda toffri wkoll b’mod uniku kontribut usa’ għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-prodotti tagħha u b’hekk tikkontribwixxi għal popolazzjoni b'saħħitha Is-settur mhux biss huwa magħmul minn kumpaniji kbar li jimpjegaw numru kbir ta' nies iżda wkoll minn impriżi ta’ daqs żgħir u medju, li l-marġnijiet tagħhom ta’ spiss ikunu differenti skont id-daqs tal-impriża. Is-sħubijiet ta’ dan is-settur ma’ universitajiet u istituzzjonijiet oħra mad-dinja kollha jiffurmaw “sistema” integrata ta’ xjenzi tal-ħajja.

1.3

Waqt li jikkunsidra l-kompetizzjoni globali li qiegħda tintensifika, il-Kumitat jemmen li issa huwa l-mument it-tajjeb biex titwaqqaf Strateġija Ewropea tax-Xjenzi tal-Ħajja li tista’ tiżgura approċċ aktar konġunt lejn l-industrija biex jiġi żgurat li l-gruppi tal-partijiet interessati kollha jkomplu jibbenefikaw minn dan is-settur uniku.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li Strateġija tax-Xjenzi tal-Ħajja ġdida għandu jkollha tliet elementi:

Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika soċjali – b’iffukar fuq il-kontribut tas-settur sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi ta’ ġestjoni tal-mard kroniku ta’ Ewropa li qiegħda tixjieħ, kif ukoll il-ħtieġa li titnaqqas l-inugwaljanza fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika xjentifika – fejn għandu jsir sforz serju għall-iżvilupp ta’ sforz għal riċerka pan-Ewropea kkoordinata aħjar u aktar strateġika; kif ukoll

Rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika – fejn ikun hemm rikonoxximent aktar espliċitu li l-investiment fil-kura tas-saħħa, inkluż fil-mediċini, huwa rilevanti għall-partijiet kollha tas-soċjetà. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jaħdmu mal-industrija dwar ftehimiet li jkunu jistgħu jiżguraw li l-konsumaturi Ewropej kollha (jiġifieri l-pazjenti) jiksbu aċċess ugwali għal mediċina moderna.

1.5

Ir-rwol u l-indipendenza tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandhom jissaħħu.

1.6

L-Ewropa għandha tipprova ssaħħaħ u tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala mexxej globali fil-farmaċewtiċi, permezz ta’ sħubijiet li jmorru lil hinn mill-konfini tagħha.

1.7

Għandhom isiru sforzi għat-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-aċċess għall-mediċini fl-Ewropa kollha.

1.8

F’termini ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika xjentifika, l-Ewropa għandha tkompli ssegwi l-istrateġija kkoordinata tagħha għal riċerka medika u bijoxjentifika fl-Ewropa, u tiffoka aktar fuq l-eċċellenza fir-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ bijoxjentifiċi bażiċi sabiex issir mexxejja xjentifika fl-appoġġ għall-Istrateġija Ewropa 2020 u biex trawwem il-kompetittività fil-livell globali.

1.9

Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-proprjetà intelletwali bħala parti mill-Komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar il-Politika Industrijali għall-Industrija Farmaċewtika.

1.10

Is-settur farmaċewtiku jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020, li tiffoka fuq il-provvediment ta’ tkabbir li jkun intelliġenti, sostenibbli, u inklużiv; b’enfasi qawwija fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tnaqqis tal-faqar. Dan jintlaħaq permezz ta’ investimenti aktar effettivi fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politiki orjentati lejn id-domanda li joħolqu “attrattiva” għal prodotti u servizzi innovattivi u t-trawwim ta’ ekonomija tal-impjieg ta’ kwalità għolja li tipprovdi koeżjoni soċjali u territorjali.

1.11

Dawn l-inizjattivi jridu jiġu appoġġjati bi djalogu effettiv fis-settur soċjali u approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati.

1.12

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien timplimenta strateġija għas-settur farmaċewtiku bil-għan li tiġi żgurata industrija farmaċewtika b'saħħitha fl-Ewropa tul il-katina kollha ta' valur (riċerka u żvilupp, manifattura, bejgħ u distribuzzjoni).

2.   Ħarsa storika u status quo tal-industrija farmaċewtika

2.1

L-industrija farmaċewtika bbażata fl-Ewropa tagħti kontribut kbir lill-Unjoni Ewropea, mhux biss f’termini ekonomiċi iżda wkoll f’termini ta’ impjieg ta’ kwalità għolja, ta’ investiment fil-bażi xjentifika u f’termini ta’ saħħa pubblika. L-Ewropa għamlet passi enormi ’l quddiem fit-titjib tal-istennija tal-għomor u r-riżultati fil-qasam tas-saħħa matul dawn l-aħħar 60 sena. L-użu ta’ mediċini innovattivi kellu rwol ewlieni f’dawn l-avvanzi reċenti. L-Ewropa issa qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sett ġdid ta’ sfidi.

2.2

Għadhom jeżistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u bħala riżultat tal-impatt ta’ kundizzjonijiet kroniċi u mard deġenerattiv, aktar persuni qed jgħixu għal żmien itwal b’xi forma ta’ diżabbiltà medika jew mard. Dan għandu impatt negattiv fuq l-ispejjeż u l-produttività tal-kura tas-saħħa.

2.3

L-iżgurar ta’ katina tal-provvista sigura u effettiva għall-prodotti farmaċewtiċi għall-konsumaturi Ewropej hija prijorità importanti. Il-qafas regolatorju Ewropew, fit-teorija, jiżgura li l-pazjenti jingħataw l-istess standards ta’ kwalità irrispettivament mill-post tal-manifattura tal-mediċina. Madakollu aktar titjib fis-sigurtà tal-katina tal-provvista – u t-tneħħija tar-riskju ta’ prodotti foloz – permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Mediċini Ffalsifikati, ser ikun pass importanti ’l quddiem, bil-kodifikazzjoni u l-għoti ta’ numru tas-serje lil kull pakkett ta’ mediċini fl-Ewropa, li ser itejjeb it-traċċabbiltà, li hija element essenzjali.

2.4

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ġiet stabbilita fl-1995, bejn wieħed u ieħor b’mod parallel mal-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini (FDA) tal-Istati Uniti iżda mingħajr iċ-ċentralizzazzjoni karatteristika tal-FDA. L-EMA ġiet iffinanzjata mill-UE u mis-settur farmaċewtiku, kif ukoll minn sussidju indirett mill-Istati Membri, f’tentattiv biex tiġi armonizzata (iżda mhux issostitwita) il-ħidma tal-korpi regolatorji nazzjonali eżistenti tal-mediċina, li għadhom jaħdmu f'netwerk mal-EMA.

3.   Bidliet Industrijali fis-Settur Farmaċewtiku

3.1

Bħala medja hemm bżonn ta’ aktar minn 12-il sena biex tiġi żviluppata mediċina ġdida li tilħaq l-istandards ta’ kwalità, effikaċja u sikurezza mistennija mir-regolaturi. Għal kull mediċina li tagħmel flus biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż tal-iżvilupp tagħha, jiġu ttestjati madwar 25  000 kompost kimiku, u bħala medja 25 minnhom ikunu għaddew minn provi kliniċi u ħamsa jkunu rċevew liċenzja. L-“attrizzjoni” hija parti inerenti mill-proċess ta’ innovazzjoni. Minħabba r-riskju għoli u l-investiment enormi bil-quddiem magħmul mill-kumpaniji farmaċewtiċi tas-settur privat, it-teknoloġiji inkorporati fil-mediċini jiġu offruti ċertu ammont ta’ esklużività tas-suq temporanja, pereżempju permezz ta’ privattivi.

3.2

L-innovazzjonijiet farmaċewtiċi huma ispirati minn xjenza ġdida, b’mod speċjali fil-fehim tal-bijoloġija. L-avvanzi fil-ġenomika, il-proteomika, in-nanoteknoloġija u l-iskoperta ta’ bijomarkaturi aktar preċiżi joffru potenzjal kbir biex ikomplu jittejbu l-mediċini disponibbli għat-tobba. Is-settur farmaċewtiku għaddej minn bidla strutturali xprunata: mit-twarrib ta’ prodotti ewlenin tal-kura primarja favur aktar prodotti ta’ speċjalità kif ukoll żieda fil-kompetizzjoni ġenerika u l-isfidi ta’ produttività li għaddejjin fir-R&Ż. Għaddejja wkoll sfida għaż-żamma tal-infiq fir-R&Ż fi sfond ta’ pressjoni biex jiġi pprovdut valur fuq perjodu qasir lill-partijiet interessati.

3.3

Is-settur jimpjega direttament 7 00  000 persuna (li 70 % minnhom huma nisa) speċjalizzati f’oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi differenti, u jiġġenera impjiegi minn tlieta għal erba’ darbiet aktar b’mod indirett. Huwa impjegatur ta’ kwalità għolja. L-impjegati tiegħu huma ta’ livell edukattiv għoli u s-settur jiġġenera aktar valur miżjud għal kull ħaddiem minn kwalunkwe settur ieħor ta’ teknoloġija avvanzata. Meta mqabbla ma’ dawk ta’ setturi oħra, il-kumpaniji farmaċewtiċi huma aktar reżiljenti għaċ-ċiklu ta’ tkabbir u ta’ kriżi fuq perjodu qasir tal-makroekonomija. Dan huwa saħħa importanti għall-Ewropa.

3.4

Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-mediċini huwa qafas eleganti biex jiġi żgurat il-fluss kontinwu ta’ teknoloġiji ġodda utli, waqt li tiġi żgurata sostenibbiltà raġonevoli tal-baġit. Jistgħu jiġu kkunsidrati tliet fażijiet:

1)

Ir-R&Ż – fejn il-kumpaniji tas-settur privat jieħdu riskju sabiex jintroduċu mediċini ġodda fis-suq,

2)

Is-suq imħares bi privattivi – sabiex il-kumpaniji jirkupraw l-ispiża tal-investiment huwa importanti li s-sistemi tal-kura tas-saħħa jużaw teknoloġiji ġodda b’mod xieraq u li jħallsu prezzijiet xierqa li jirriflettu l-valur tal-mediċina u l-affordabbiltà tas-sistema tal-kura tas-saħħa inkwistjoni,

3)

Is-suq mhux imħares bi privattivi (ġeneriċi u bijosimili) – fejn, meta l-esklużività tas-suq għall-mediċini tiskadi, il-prodotti kompetituri jiġġeneraw erożjoni tal-prezzijiet u għaldaqstant iffrankar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa li jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ mediċini aktar ġodda.

3.5

F’dawn l-aħħar snin l-integrità ta’ dan iċ-“ċiklu tal-ħajja” spiċċat taħt pressjoni Il-fażi tar-R&Ż twalet, saret tinvolvi spiża akbar u riskju ogħla. Ir-rekwiżiti għal aktar data, mhux biss mir-regolaturi iżda wkoll mill-kontribwenti fi ħdan is-sistemi tal-kura tas-saħħa, ifissru li l-kumpaniji farmaċewtiċi huma obbligati li jinvestu aktar żmien minn qabel jagħmlu aktar provi fir-rigward ta' ħafna mit-terapiji komparattivi. Waqt il-fażi ta’ suq imħares bil-privattivi, il-kontribwenti saru aktar sofistikati u jafu jagħżlu aktar bejn prodott u ieħor, u jeżiġu dejjem aktar provi mhux biss dwar is-sikurezza u l-effikaċja, iżda wkoll dwar il-kosteffikaċja.

3.6

Ix-xjenza ġdida qiegħda toffri l-potenzjal biex jiġu mmirati aħjar it-terapiji ġodda għall-pazjenti b’karatteristiċi partikolari.

3.7

Id-daqs tas-suq li minn fuqu l-kumpaniji farmaċewtiċi jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż tagħhom huwa iżgħar minn dak tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel waqt li l-ispejjeż tal-iżvilupp żdiedu u għadhom qegħdin jiżdiedu.

3.8

Finalment, il-gvernijiet – bir-raġun – ippruvaw jimmassimizzaw l-effiċjenza ekonomika tas-swieq mhux imħarsa bil-privattivi. Il-kompetizzjoni fil-prezzijiet li tipprovdi spiża aktar baxxa ta’ trattament b’mediċini eqdem hija mod importanti li bih il-gvernijiet jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà tal-baġit tagħhom. Madankollu għandu jinstab bilanċ xieraq.

3.9

Waqt li huwa raġonevoli li wieħed jistenna użu razzjonali ta’ mediċini eqdem, huwa kritiku li jintużaw mediċini aktar ġodda u innovattivi. Teżisti varjazzjoni sostanzjali fl-aċċess tal-pazjenti għal terapiji innovattivi madwar l-Ewropa. Dan ma jfissirx biss li bosta pazjenti ma jiksbux aċċess għall-aqwa trattament, iżda jdgħajjef ukoll is-sostenibbiltà tal-industrija fl-Ewropa.

3.10

Il-Kummissjoni Ewropea tistma li l-għadd ta’ membri tal-popolazzjoni fl-Ewropa ta’ 65 sena jew aktar ser jiżdied b’75 % sal-2050. Dan ifisser li l-proporzjon ta’ persuni li jaħdmu u li jħallsu għas-servizzi soċjali – il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet – tal-persuni rtirati ser ikun aktar ta’ sfida. Biex jitnaqqas il-piż fuq il-ħaddiema huwa importanti li l-akbar parti possibbli tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tkun b’saħħitha biżżejjed.

3.11

Kura tas-saħħa tajba tista’ tkun ta’ xprun għal tliet benefiċċji importanti: xi individwi li attwalment mhux qed jaħdmu jibdew jaħdmu; it-tnaqqis tal-assenteiżmu minn fuq il-post tax-xogħol; u, finalment, tista’ tgħin fl-hekk imsejħa kwistjoni tal-“preżenza”, fejn il-ħaddiema li jistgħu jkunu qegħdin isofru minn xi tip ta’ mard jew diżabbiltà (iżda għadhom qed jaħdmu) jistgħu jkunu aktar produttivi b’kura tas-saħħa aħjar.

3.12

Il-farmaċewtika hija s-settur ewlieni ta’ teknoloġija avvanzata f’termini ta’ bilanċ kummerċjali favorevoli (li ammonta għal EUR 48,3 biljun fl-2011) u għandu l-akbar proporzjon ta’ investiment fir-R&Ż mal-bejgħ nett. Il-membri tiegħu jikkostitwixxu 19,1 % tan-nefqa tan-negozju totali dinji fir-R&Ż. Il-kumpaniji tas-settur privat jonfqu madwar USD 100 biljun fis-sena fir-riċerka u l-iżvilupp, waqt li fl-Ewropa n-nefqa hija ta’ madwar EUR 30 biljun. Il-parti l-kbira ta’ din in-nefqa ssir fuq provi kliniċi, li jinkludu mhux biss provi iżda wkoll studji ta’ wara l-kummerċjalizzazzjoni li huma meħtieġa anke wara li prodott ikun fis-suq.

3.13

Ħafna pazjenti Ewropej attwalment mhumiex jaraw il-benefiċċji tal-mediċini l-ġodda. Bħala konsegwenza ta’ dan, mhux biss qed jinżammu lura s-saħħa u l-produttività Ewropej, iżda l-Ewropa lanqas qiegħda tilħaq il-potenzjal tagħha li tixpruna valur ekonomiku wkoll. Fi studju ġdid ippubblikat minn IMSHealth għal konferenza dwar il-kura tas-saħħa li saret mill-Presidenza Litwana tal-UE, ġiet ippreżentata data ġdida li turi l-varjazzjoni fl-aċċess għall-mediċini fl-Unjoni. Huma l-konsumaturi fil-pajjiżi l-aktar foqra li huma żvantaġġjati l-iżjed.

3.14

Biex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni l-UE trid toħloq ambjent fejn it-trattamenti l-ġodda jkunu jistgħu jiġu pprezzati skont kemm huma kapaċi jħallsu l-pajjiżi kif ukoll skont id-domanda tagħhom. Il-mediċini ma huma simili għall-ebda prodott ieħor billi s-soċjetà tistenna li l-pazjenti kollha jkollhom aċċess għall-mediċini li jeħtieġu. Dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika fl-Ewropa huma mistiedna jirriflettu b'mod attiv biex jiżguraw li s-suq uniku Ewropew jaħdem fl-aqwa interessi taċ-ċittadini kollha Ewropej.

Qed jiġu stabbiliti “limiti” artifiċjali fuq in-nefqa fuq il-mediċini li jwasslu għal tnaqqis fir-riżultati fil-qasam tas-saħħa. Fil-pajjiżi li naqqsu b’mod sinifikanti n-nefqa fuq il-mediċini bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja, jew spustjaw il-piż finanzjarju minn kontribwent ta’ parti terza lejn l-individwi, ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa ddeterjoraw minnufih u forom oħra ta’ għoti ta’ kura tas-saħħa bi prezz ogħla żdiedu fil-volum biex jikkompensaw għal aċċess dgħajjef għall-mediċini.

4.   Lejn strateġija tax-xjenzi tal-ħajja ġdida għall-Ewropa

4.1

Waqt li l-Ewropa għandha bosta mill-prerekwiżiti meħtieġa għal tkabbir sostenibbli, ir-realtà hija li din qiegħda taqa’ lura meta mqabbla mal-Istati Uniti bħala mexxej ewlieni fir-riċerka bijofarmaċewtika.

4.2

L-industrija farmaċewtika globali hija kkonċentrata l-aktar fl-UE u fl-Istati Uniti u tista’ tgħin tindirizza kwistjonijiet ta’ ekwità biex iż-żewġ blokki jħarsu l-investiment storiku u futur tagħhom fil-mediċini. Għal dan il-għan huwa importanti li kemm id-dimensjoni ekonomika kif ukoll dik soċjali flimkien mat-tħassib tal-konsumaturi jiġu inklużi b'mod adegwat fid-diskussjonijiet li għaddejin bħalissa dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP).

4.3

Meta l-pajjiżi bi dħul medju jtejbu l-prosperità tagħhom, dawn għandhom iħallsu sehemhom tan-nefqa tal-innovazzjoni f’dan is-suq globali li qed jikber. Attwalment dan mhux biss mhux qed iseħħ, iżda t-tendenza li dejjem qed tikber hija li pajjiżi bħall-Indja jippromulgaw liċenzjar obbligatorju, flimkien ma’ strateġiji simili oħra bħal pressjoni ta’ pprezzar eċċessiva fil-Korea. Biex jiġu indirizzati u jinkiseb benefiċċju minn sfidi u opportunitajiet futuri, bnejna l-konklużjonijiet tagħna fuq tliet perspettivi ewlenin – soċjali, xjentifiċi u ekonomiċi, b’rakkomandazzjonijiet assoċjati f’kull każ.

4.4

F’termini ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika soċjali, l-iffukar għandu jkun fuq it-titjib tar-riżultati fil-kura tas-saħħa għall-popolazzjoni Ewropea fid-dawl tat-tibdil demografiku u l-isfidi kkawżati mill-mard kroniku. Is-saħħa hija prekundizzjoni għall-prosperità ekonomika.

Fl-Ewropa għadhom jippersistu inugwaljanzi enormi, kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll ġewwa l-pajjiżi. Jekk dan ma jiġix korrett b’mod urġenti, is-sitwazzjoni ser tmur għall-agħar hekk kif il-popolazzjoni tagħna tixjieħ.

4.5

Użu aħjar tal-mediċini u innovazzjoni fil-mediċina jista’ jkollhom rwol ewlieni biex l-Ewropa tkun tista’ tindirizza dawn l-isfidi. Dijanjożi bikrija, ġestjoni tal-mogħdijiet tal-aqwa prattika u t-titjib tal-aderenza tal-pazjenti huma sfidi kritiċi fejn l-industrija u l-fornituri tal-kura tas-saħħa jistgħu jaħdmu fi sħubija biex jittejbu r-riżultati. Għandha tingħata kunsiderazzjoni serja lill-ħolqien ta’ ambjent fejn il-prezzijiet imposti mill-industrija jkunu bbażati fuq il-ħila ta’ ħlas tal-pajjiżi, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju ta’ devjazzjonijiet fil-katina tal-provvista.

4.6

Għandu jsir użu aħjar tal-finanzjament strutturali tal-UE sabiex jiġu appoġġjati l-investimenti fil-kwalità tal-infrastruttura tal-kura tas-saħħa.

4.7

Il-gvernijiet Ewropej għandhom jimmiraw għat-twaqqif ta’ qafas Ewropew għall-evalwazzjoni ta’ programmi ta’ ġestjoni ta’ mard kroniku billi jiddefinixxu parametri referenzjarji u “l-aqwa mogħdijiet għall-pazjenti” għal kura olistika, u l-użu xieraq kemm tal-mediċini bi prezzijiet baxxi kif ukoll tal-mediċini innovattivi fil-mogħdija. Bil-bini ta’ pjattaforma biex sħubijiet organizzazzjonali kbar jiżviluppaw programmi sekondarji ta’ prevenzjoni għall-mard kroniku, diversi partijiet interessati, bħall-gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-pazjenti u t-tobba, l-imsieħba soċjali u istituzzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-ġestjoni tal-mard kroniku. F'dan ir-rigward, l-Azzjoni Konġunta tal-Kummissjoni dwar il-Mard Kroniku huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba.

4.8

L-organizzazzjoni, il-governanza u l-finanzjament ta’ riċerka bijomedika bażika fl-Ewropa kollha attwalment qed jiġu ġestiti permezz ta’ firxa ta’ programmi indipendenti u frammentati kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell Ewropew. Minkejja xi inizjattivi Ewropej eċċellenti, ir-realtà hija li teżisti wisq kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u mhux qed jiġu ddedikati sforzi biżżejjed sabiex tinkiseb strateġija koerenti għall-Ewropa. Dan jirriżulta fi kriterji tal-valutazzjoni tal-kwalità differenti, duplikazzjoni tal-isforzi u ħela ta’ riżorsi finanzjarji. L-Ewropa qiegħda taqa’ lura meta mqabbla mal-Istati Uniti f’bosta oqsma tar-riċerka bijomedika u dan qed iwassal għat-telf tal-kompetittività.

4.9

It-tisħiħ tar-riċerka bażika u traslazzjonali, u l-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza ta’ klassi dinjija fl-Ewropa huma vitali biex jiġi żgurat li l-Ewropa tibqa’ attraenti għar-R&Ż u l-investituri tal-manifattura. Billi l-Ewropa b’mod konsistenti ma laħqitx il-livell ta’ 3 % tal-PDG investit fil-mira tar-R&Ż, huwa meħtieġ iffukar imġedded fuq ix-xjenza u l-edukazzjoni bażiċi. Inizjattivi bħall-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi u l-Orizzont 2020 jistgħu jgħinu biex jixprunaw kultura ta’ innovazzjoni u kollaborazzjoni miftuħa, u joħolqu mezz ta’ finanzjament biex jiġu stimulati l-investimenti fil-mira.

4.10

F’termini ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika, l-UE għandha trawwem l-introduzzjoni ta’ “qafas ta’ tkabbir u stabbiltà” fis-sistema tax-xjenza tal-ħajja fl-Ewropa kollha biex ittejjeb l-istabbiltà u l-prevedibbiltà għal kulħadd. L-għan ta’ dan il-qafas, appoġġjat minn djalogu bejn is-settur u s-soċjetà, għandu jkun li jitħeġġeġ it-teħid ta’ innovazzjonijiet ġodda ta’ valur, waqt li tiġi ssalvagwardjata l-ħila tal-gvernijiet li jiġġestixxu l-baġits b’mod prevedibbli. Qafas bħal dan jista’ jiġi implimentat fil-livell tal-Istati Membri biex jiġu kkunsidrati d-differenzi fl-iżvilupp demografiku, id-domanda reali, l-inflazzjoni, l-avvanzi teknoloġiċi eċċ. Għandha tiġi inkluża wkoll id-dimensjoni soċjali.

4.11

Fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-mediċini kellhom jerfgħu piż sproporzjonat tal-iffrankar fi ħdan il-programmi ta’ konsolidazzjoni fiskali, minkejja li ntwera permezz ta’ evidenza li l-valur tagħhom imur lil hinn minn oqsma oħra ta’ nfiq fil-kura tas-saħħa. Dan joħloq ambjent imprevedibbli għall-industrija, huwa sinjal li joħloq konfużjoni dwar l-impenn tal-Ewropa lejn l-innovazzjoni, u joħloq riskju potenzjali għall-kapaċità tal-Istati Membri li jixprunaw aktar l-effiċjenza fil-kura tas-saħħa permezz tal-użu xieraq tal-mediċini u teknoloġiji oħra.

4.12

L-appoġġ ta’ approċċ sostenibbli għall-finanzjament tal-kura tas-saħħa huwa ta’ importanza ewlenija għall-partijiet interessati ekonomiċi Ewropej u b’mod speċjali għall-konsumaturi. L-iżvilupp ta’ approċċ aktar sostenibbli għall-infiq fil-mediċini jista’ jiżgura li l-finanzjament jiġi indirizzat lejn oqsma li jipprovdu l-ogħla redditu. Huwa importanti li jiġu identifikati opportunitajiet għall-ġestjoni mtejba tal-mediċini. Għas-saħħa fl-Istati Membri Ewropej, għandu jkun iggarantit livell ta' limitu minimu ta' finanzjament għall-kura tas-saħħa u għall-mediċini.

4.13

Dan għandu jinkludi wkoll aspettattivi realistiċi dwar it-tkabbir, xprunat minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, innovazzjoni reali u kunsiderazzjonijiet ta’ kosteffikaċja tal-kura tas-saħħa fit-tul. Qafas bħal dan jista’ jnaqqas il-fluttwazzjonijiet ta’ ħsara osservati fil-finazjament tal-kura tas-saħħa waqt dawn l-aħħar tlieta sa ħames snin u jrawwem ippjanar fit-tul għall-partijiet kollha involuti fis-sistema tal-kura tas-saħħa.

4.14

Permezz tal-inizjattiva Tajani reċenti min-naħa tal-Kummissjoni, sar progress u nkisbet ħidma importanti f’termini ta’ etika u trasparenza, fl-aċċess għall-mediċini, għall-mediċina orfni u għall-mediċina mingħajr riċetta tat-tabib fil-pajjiżi ż-żgħar, fil-mediċini bijosimili u fil-ftehimiet ta’ dħul ġestiti li l-Kumitat jappoġġja.

4.15

Il-KESE jifhem li l-Kummissjoni qiegħda tippjana Komunikazzjoni ġdida importanti dwar il-Politika Industrijali għall-Industrija Farmaċewtika. Dan huwa opportun u l-Kumitat iħeġġiġha tistabbilixxi aġenda ambizzjuża li tiżgura industrija farmaċewtika b’saħħitha fl-Ewropa tul il-katina kollha ta' valur (riċerka u żvilupp, manifattura, bejgħ u distribuzzjoni).

Brussell, 29 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ġlieda kontra x-xogħol furzat fl-Ewropa u fid-dinja: x'inhu r-rwol tal-UE? – Il-kontribut tal-KESE fil-konferenza tal-ILO 2014” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 311/05

Relatur: is-Sinjura Ouin

Fis-sessjoni plenarja tal-11 ta' Diċembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-ġlieda kontra x-xogħol furzat fl-Ewropa u fid-dinja: x'inhu r-rwol tal-UE? – Il-kontribut tal-KESE fil-konferenza tal-ILO 2014

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta’ April 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’167 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

It-traffikar tal-persuni m'għandux post f'soċjetà ċivilizzata. Fl-istess waqt, dan qed jiżdied u x-xogħol furzat sar element permanenti ta' ċerti oqsma tas-suq tax-xogħol u suq kbir għall-kriminalità organizzata. Il-103 sessjoni tal-Konferenza internazzjonali tax-xogħol, li ser issir f'Ġunju 2014, għandha fl-aġenda tagħha dibattitu biex issaħħaħ il-ġlieda kontra x-xogħol furzat. Fil-fatt, wara l-ewwel konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar din it-Tema, fl-1929 (nru. 29) u fl-1957 (nru. 105), in-natura tax-xogħol furzat żviluppat. Filwaqt li fil-passat dan kien jirrigwarda l-Istati, illum hemm konċentrazzjoni fl-ekonomija privata li qed tiżdied minħabba fil-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni u l-ekonomija informali u n-netwerks globalizzati tal-kriminalità. L-Unjoni Ewropea adottat Direttiva kontra t-traffikar tal-persuni li tikkunsidra x-xogħol furzat (1). Strument internazzjonali ġdid għandu jiġi adottat f'Ġunju li ġej, mill-Istati Membri u mill-imsieħba soċjali tal-ILO. F'dan il-qafas, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu proposti x'jifformula fuq il-bażi tal-esperjenza Ewropea, fit-territorju tiegħu u barra mill-fruntieri, b'enfasi partikolari fuq ir-rwol li għandha s-soċjetà ċivili, rwol li jista' jikber biex ikun hemm applikazzjoni ġenwina tad-drittijiet fundamentali. L-osservatorju tas-suq tax-xogħol ser ikun inkarigat li jsegwi l-iżvilupp tal-applikazzjoni kemm tad-Direttiva dwar it-traffikar tal-persuni kif ukoll tat-testi adottati fl-IL) biex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat.

1.1

Rakkomandazzjonijiet

1.2

Għall-Unjoni Ewropea:

Adozzjoni ta' pożizzjoni komuni fl-ILO, biex l-għanijiet tad-Direttiva Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda tat-traffikar tal-persuni, il-ħarsien tal-vittimi u l-istrateġiji għall-qerda tat-traffikar tal-persuni (2) (2012) jiġu integrati fil-liġi internazzjonali tax-xogħol.

1.3

Lill-Istati Membri:

waqt il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol li jmiss, jadottaw protokoll addizzjonali għall-konvenzjoni 29, komplut b'rakkomandazzjoni li jintegra t-traffikar tal-persuni biex jiġu sfruttati għax-xogħol, u jindirizza n-nuqqasijiet li għad hemm dwar dan fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-ħarsien tal-vittmi, il-kumpens li jingħatalhom u s-sanzjonijiet għat-traffikanti, biex b'hekk il-liġi internazzjonali tadotta dak li diġà hemm fil-liġi Erwopea.

jirratifikaw il-konvenzjoni 189 dwar ix-xogħol domestiku,

isaħħu l-mezzi tal-ispezzjoni tax-xogħol u l-kooperazzjoni Ewropea bejniethom.

joħolqu koerenza bejn il-politiki dwar it-traffikar tal-persuni u l-immigrazzjoni u jaċċertaw l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2011/36 li tirrigwarda l-prevenzjoni tat-traffikar tal-persuni u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu kif ukoll il-ħarsien tal-vittmi (3).

jindirizzaw il-kawżi biex inaqqsu l-faqar u l-vulnerabbiltà tal-vittimi u jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika.

1.4

Lill-intrapriżi u lill-investituri:

jassiguraw li l-katina tal-provvista tkun ħielsa mix-xogħol furzat u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi terzi, bl-applikazzjoni tal-prinċipji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali u d-dikjarazzjoni tal-prinċipji tripartitiċi dwar l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali tal-ILO.

isegwu l-ħidma u jipparteċipaw fil-koalizzjoni tal-intrapriżi kontra t-traffikar tal-persuni li ser titnieda dalwaqt mill-Kummissjoni Ewropea.

1.5

Lit-trejdjunjins

iħarrġu lill-membri biex ikunu kapaċi jindirizzaw lill-vittmi u jakkumpanjawhom fl-isforzi tagħhom, l-ewwel fis-setturi sensittivi bħall-agrikoltura, il-kantieri tal-kostruzzjoni, ir-ristoranti u l-lukandi jew ix-xogħol domestiku; jaħdmu mal-ONGs speċjalizzati fl-akkumpanjament tal-migranti mingħajr dokumenti, li għandhom jitqiesu bħala vittmi u mhux delinkwenti.

1.6

Lill-assoċjazzjonijiet:

L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu jafu l-oriġini tal-prodotti u jirrikjedu t-trasparenza tal-katina kollha tal-produzzjoni.

L-assoċjazzjonijiet li jgħinu lill-migranti klandestini, jorganizzaw ix-xogħol domestiku jew jiġġieldu għall-abolizzjoni tal-prostituzzjoni għandhom ikunu msieħba rikonoxxuti u mismuha li jiġġieldu kontra x-xogħol furzat.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   X'inhu x-xogħol furzat?

Ix-xogħol furzat huwa definit mill-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni 29 tal-ILO, ratifikata minn 177 pajjiż, bħala kull xogħol jew servizz li jittieħed minn individwu taħt kwalunkwe theddid u li għalih l-individwu m'offriex lilu nnifsu b'mod volontarju. Din id-definizzjoni tinkludi dawk miżmuma fil-kampijiet tax-xogħol, dawk kostretti mid-dejn u t-traffikar tal-persuni għal skopijiet ta' xogħol furzat (ħaddiema li s-salarju tagħhom ma jingħatalhomx, li jinżammulhom il-karti tal-identità, eċċ...) Id-distinzjoni bejn esplojtazzjoni mix-xogħol u x-xogħol furzat hija diffiċċli. Skont l-ILO, ix-xogħol furzat ġeneralment huwa assoċjat ma' ħinijiet twal u kundizzjonijiet ħarxa bi ħlas baxx jew bla ħlas, li jseħħ mingħajr il-kunsens tal-interessat jew taħt it-theddida ta' kastig. Dan jista' jikkonsisti fi vjolenza fiżika – swat, tortura, vjolenza sesswali – jew psikoloġika – estorsjoni, konfiska tal-karti tal-identità, theddid ta' denunċja lis-servizzi tal-imigrazzjoni jew theddid fuq il-familja eċċ (4). Il-ktajjen li konna nassoċjaw mal-iskjavitu, illum-il ġurnata ħadulhom posthom il-biża' u l-impożizzjoni ekonomika.

Ix-xogħol furzat huwa identifikat ukoll bħala waħda mill-forom ta' esplojtazzjoni fid-Direttiva 2011/36 dwar it-traffikar tal-persuni.

2.2   Fejn iseħħ ix-xogħol furzat?

Ix-xogħol domestiku, l-agrikoltura, il-bini, il-manifattura (ħwejjeġ, ġugarelli) huma fost l-aktar setturi kkonċernati. Jekk, essenzjalment, ix-xogħol furzat fis-settur privat huwa attività klandestina, hija tidħol fl-ekonomija legali permezz tas-sottokuntratti u l-aġenziji tar-reklutaġġ. B'hekk ix-xogħol furzat jidħol fil-katina tal-provvista tal-kumpaniji privati fosthom kumpaniji kbar ħafna. F'dan il-każ, dan huwa spiss xogħol furzat barra mill-Unjoni Ewropea, ir-reġjun l-aktar milqut fid-dinja huwa l-Asja-Paċifiku (56 %). Ir-reġjuni tal-Ewropa ċentrali u n-nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll il-pajjiżi tal-Commonwealth tal-Istati indipendenti huma fost l-aktar reġjun bi prevalenza ta' xogħol furzat fid-dinja (4,2 għal kull 1  000 abitant). Tlettax mid-19-il pajjiż ta' dan ir-reġjun huma ġirien tal-UE. Għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna, l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati m'humiex eżentati mix-xogħol furzat (7 %) (5). Instabu każijiet ta' ħaddiema domestiċi jew ħaddiema sfurzati fl-agrikoltura fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Adulti u tfal jiġu sfurzati wkoll biex iwettqu xogħol ekonomiku illeċitu jew informali, fosthom li jittallbu. Dawn iċ-ċifri għandhom jiġu mqabbla ma' dawk tal-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea, din twassal biex il-ġlieda kontra x-xogħol furzat tkun aktar diffiċli.

2.3   Min hu l-vittma tax-xogħol furzat?

Għalkemm mhux il-ħaddiema kollha furzati huma migranti irregolari, żgur li dawn huma fost l-aktar vulnerabbli u jiffurmaw il-maġġoranza tal-vittmi. Maqbuda f'ċirku vizzjuż, huma vittmi li ma jazzardawx jilmentaw, minħabba fil-biża' li jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Spiss, it-traffikanti huma wkoll migranti irregolari li jisfruttaw lill-kompatrijotti tagħhom. L-aktar kategoriji esposti għax-xogħol furzat huma l-minoranzi etniċi jew ta' razza, il-migranti, il-foqra u f'dawn il-kategoriji n-nisa u t-tfal. In-nisa huma l-maġġoranza tal-vittmi ta' traffikar bi skopijiet ta' esplojtazzjoni sesswali kif ukoll għax-xogħol domestiku fejn jispiċċaw iżolati. Il-vittmi huma spiss persuni fraġli, bla rappreżentanti, mhux kapaċi jiddefendu u jipproteġu lilhom infushom. It-tkabbir fl-ekonomija informali toffri opportunitajiet lit-traffikanti. Id-dgħufija fl-ispezzjonijiet tax-xogħol u fis-servizzi tal-pulizija ma jippermettux li jiġi miġġieled l-iżvilupp tal-fenomenu.

Il-kriżi ekonomika li ħakmet lill-Ewropa mill-2008 wasslet biex ħaddiema telqu minn pajjiżhom biex jaħdmu f'pajjiżi aktar sinjuri. Issa l-kwalifiki tagħhom huma neqsin fil-pajjiżi tal-oriġini, li għandhom bżonn iduru għall-migranti li ġejjin minn aktar 'l bogħod li wkoll qed ifittxu kundizzjonijiet aħjar tal-ħajja. Huma jsibu lilhom infushom f'diffikultajiet li ma kienux jimmaġinaw, mingħajr dokumenti, b'impjiegi prekarji, mingħajr ħarsien soċjali u mingħajr il-possibbiltà li jmorru lura pajjiżhom. Din is-sitwazzjoni, li tpoġġi diversi familji f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà hija l-kuntest li fih jipprolifikaw it-traffikanti tal-persuni.

2.4   Ċifri relatati max-xogħol furzat

Skont stimi reċenti tal-ILO, fl-2012, kważi 21 miljun persuna spiċċat vittma tax-xogħol furzat fid-dinja – li minnhom 58 % huma nisa u bniet. Kwart tal-vittmi huma tfal ta' anqas minn 18-il sena. Kważi 19-il miljun jiġu sfruttati minn individwi jew intrapriżi privati u aktar minn 2 miljuni minn Stat jew gruppi ribelli. Fost dawk li jiġu sfruttati minn individwi jew intrapriżi, 4,5 miljun huma sfruttati sesswalment. Skont l-istess ċifri tal-ILO, il-perjodu medju ta' xogħol furzat tal-vittmi huwa ta' 18-il xahar.

Għall-kuntrarju tal-preġudizzju, iċ-ċifri tal-Eurostat għall-2013, dwar it-traffikar tal-persuni fl-Ewropa juri li l-maġġoranza tal-vittmi identifikati mill-Istati Membri kienu ċittadini tal-UE – 61 % fis-snin 2008-02010. Barra minn hekk, il-maġġoranza tat-traffikanti mħarrka kienu ċittadini tal-UE (67 % fl-2008, 76 % fl-2010) (6). Madankollu, il-perċentwali tal-vittmi identifikati jew persunti mill-pajjiżi tal-UE trippla bejn l-2008 u l-2010, minn 12 % għal 37 %, li jikkonferma li l-migrazzjoni mill-Istati terzi għadha fattur ta' vulnerabbiltà. L-akbar għadd ta' vittmi identifikati jew preżunti tat-traffikar tal-persuni fl-2010 ġie rappurtat fl-Italja (2  381), Spanja (1  605), ir-Rumanija (1  154) u l-Pajjiżi Baxxi (993) u l-aktar baxx mill-Ungerija (10), il-Portugall (8), Malta (4) u l-Litwanja (3) (7). Fl-Istati Membri tal-UE, fuq total stmat ta' 8 80  000 ħaddiem furzat, 2 70  000 (30 %) huma vittmi ta' sfruttament sesswali sfurzat, u 6 10  000 (70 %) ta' xogħol furzat (8).

2.5   Kif iseħħ it-traffikar tal-persuni?

Ir-rabta bejn it-traffikar tan-nies u x-xogħol furzat hija qawwija u rikonoxxuta fid-dokumenti (anke jekk mhux il-vittmi kollha tax-xogħol furzat huma vittmi tat-traffikar). Il-faqar u/jew il-kunflitti armati, l-iżbilanċji fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni ġeografikament qrib, iwasslu għal proċess ta' emigrazzjoni. Il-mezzi użati mit-traffikanti huma l-qerq, it-theddid u d-dejn. Il-vittmi spiss jiġu reklutati, trasportati jew alloġġjati bil-forza, il-kostrizzjoni jew il-frodi. L-eżistenza u l-manipulazzjoni tad-djun huma mezz biex jinkiseb u jinżamm il-kontroll fuq persuna. Il-ħaddiema migranti spiss jisselfu somom kbar ta' flus biex iħallsu lit-traffikanti għat-trasport, il-kisba ta' dokumenti tal-ivjaġġar u spejjeż marbutin mal-kisba ta' impjieg. Immigranti prospettivi jissellfu mingħand il-qraba u l-ħbieb fuq il-bażi li wara ser ikunu jistgħu jappoġġjaw lill-familja u jipprovdu għall-futur tagħhom. L-idea li jduru lura mingħajr ma jħallsu d-djun hija inkonċepibbli għall-ħafna mill-ħaddiema migranti anke wara li jiskopru li l-impjieg imwiegħed ma jeżistix u li huma ser jiġu sfruttati għal żmien indeterminat. Is-somom li jkollhom iħallsu għall-passaporti tagħhom u għat-trasport u wara għall-akkomodazzjoni u l-ikel huma eżorbitanti. F'għadd ta' pajjiżi, il-ħaddiema migranti irregolari m'għandhomx aċċess għall-ġustizzja (9).

2.6   Il-konsegwenzi tax-xogħol furzat

Barra mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol furzat jiżvantaġġja lill-intrapriżi u lill-ħaddiema. L-intrapriżi li jirrispettaw ir-regoli għandhom kompetizzjoni żleali minn dawk li jiksbu l-prodotti tax-xogħol furzat; fir-rigward tal-ħaddiema, l-eżistenza tax-xogħol furzat ibaxxi s-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-finanzjament tas-solidarjetà soċjali.

2.7   Min igawdi mix-xogħol furzat?

It-traffikar tal-persuni jħalli qligħ kbir: dawk li jordnaw jew jimponu x-xogħol furzat joħolqu profitti illegali enormi. Fl-2005, il-qligħ annwali fil-livell dinji tal-isfruttament tax-xogħol furzat ġie stmat għal 44,3 biljun dollaru Amerikan li minnhom 31,6 biljun kienu mit-traffikar tan-nies. Minn dan l-ammont, USD 15,5 biljun, jiġifieri 49 % huma ġġenerati fl-ekonomiji industrijalizzati (10) fosthom dik tal-Unjoni Ewropea. It-traffikar tal-persuni jagħti riżorsi lin-netwerks kriminali bl-istess mod tat-traffikar tal-armi u tad-drogi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-istrumenti tal-ġlieda kontra l-ħidma furzata

Li l-persuni ma jiġux kostretti għax-xogħol furzat huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali tax-xogħol, mal-libertà tal-assoċjazzjoni u tan-negozjazzjoni, l-età minima għax-xogħol (il-projbizzjoni tax-xogħol tat-tfal) u n-nuqqas tad-diskriminazzjoni fl-impjieg u l-professjoni, miżmuma min-NU, l-ILO, l-OECD u l-Unjoni Ewropea (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 5, Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Artikolu 4). Barra mill-konvenzjonijiet tal-ILO 29 u 105, oħrajn bħal dawk dwar ix-xogħol domestiku (189), l-ispezzjoni tax-xogħol (81 u 129), dwar il-ħaddiema migranti (97 u 143), dwar l-aġenziji tal-impjieg privati (181) jippermettu li tittieħed azzjoni.

Bħala dritt fundamentali, huwa universali u għandu jiġi applikat anke fl-Istati li ma rratifikawx il-konvenzjonijiet fundamentali fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol u s-segwitu tiegħu. Skont il-prinċipji gwida tan-NU, dwar l-intrapriżi u d-drittijiet tal-bniedem, l-intrapriżi multinazzjonali, hu x'inhu r-rwol tal-Istat fil-pajjiż li fih jinsabu, huma responsabbli li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem (11).

Ix-xogħol furzat huwa waħda mill-forom ta' esplojtazzjoni previsti mid-Direttiva Ewropea 2011/36. Id-Direttiva tiddefinixxi kull forma ta' esplojtazzjoni bħala att kriminali u tarmonizza s-sanzjonijiet tal-esplojtaturi u tal-intrapriżi li jużaw ix-xogħol furzat. Hija fiha wkoll dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, il-ħarsien tal-vittmi u l-ħlas lilhom tad-danni.

Madankollu, minkejja l-proklamazzjoni tad-drittijiet, u l-għadd ta' testi internazzjonali, ix-xogħol furzat ma sparixxiex. In-netwerks tal-kriminali jużaw il-fruntieri u jisfruttaw id-differenzi bejn is-sistemi varji.

Il-konvenzjonijiet tal-ILO għandhom bżonn jiġu aġġornati biex jirrispondu għall-forom attwali tax-xogħol furzat. Huma ma jagħmlux referenza għat-traffikar tal-persuni u l-anqas għall-ħarsien tal-vittmi jew il-kumpens lilhom.

3.2   Il-limitazzjonijiet tal-istrumenti

Hemm distanza kbira bejn il-forza (drittijiet fundamentali) u l-għadd ta' standards, regolamenti (NU), konvenzjonijiet (ILO) jew rakkomandazzjonijiet (Linji Gwida tal-OECD dwar l-intrapriżi multinazzjonali (12), ISO 26000 (13), dikjarazzjoni tripartitika dwar l-intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali (14) tal-ILO, rapporti mhux finanzjarji) u l-applikazzjoni tagħhom. Meta jeżistu pjanijiet ta' azzjoni, spiss ikunu migħajr baġit, bla segwitu u bla evoluzzjoni. L-istrumenti huma neqsin mill-koerenza bejniethom: il-politiki tal-immigrazzjoni, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-biendem pereżempju huma spiss f'kuntradizzjoni, filwaqt li l-politiki ta' kooperazzjoni li jistgħu jkunu ta' lieva fil-ġlieda kontra t-traffikar u x-xogħol furzat ma jsemmux dan l-aspett.

L-għadd kbir ta' dokumenti m'huwiex garanzija ta' effikaċja. Ma dawk tal-istituzzjonijiet internazzjonali, issa qed tiżdied l-offerta privata tat-tikketti: kodiċi ta' kondotta, ċertifikazzjonijiet, tikketti eċċ. Fl-Ewropa hemm 240 tikketta fosthom ħafna li huma awtodefiniti u bla previżjoni ta' verifika. Pereżempju ċerti multinazzjonali jieħdu l-impenn fil-kodiċi ta' kondotta tagħhom li jirrispettaw il-liġi lokali kullimkien: dikjarazzjoni dubjuża fil-pajjiżi li fihom hemm diskriminazzjoni kontra n-nisa jew li ma jħarsux il-libertajiet tat-trejdjunjins! Hemm kodiċi ta' kondotta mfassla biex jassiguraw lill-konsumaturi u lill-investituri mingħajr l-ebda kontroll jew verifika prevista u mingħajr ma jindirizzaw b'mod ġenwin ix-xogħol furzat, għax dan jippermettilhom li jbaxxu l-ispejjeż u jgħollu l-profitti.

3.3   Azzjoni kontra x-xogħol furzat fit-territorju tal-UE u lil hinn

3.3.1

Jiġu ndirizzat in-nuqqasijiet fit-testi attwali: l-istati Ewropej għandhom jitkellmu b'vuċi waħda fl-ILO biex jiġi adottat protokoll addizzjonali għall-konvenzjoni 29 tal-ILO u rakkomandazzjoni biex jissaħħu l-prevenzjoni, il-kontroll, il-ħarsien tal-vittmi u li jingħataw kumpens.

Fit-territorju tal-Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea adottat Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2011/36/UE) u strateġija (Opinjoni tal-KESE SOC/467). L-istrateġija Ewropea kontra t-traffikar tal-persuni tiddedika miżuri speċjali għall-esplojtazzjoni tax-xogħol bħala waħda mill-forom li ftit huma studjati u tipprevedi għadd ta' miżuri li jirrigwardaw l-ispetturi tax-xogħol, l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Madankollu dawn it-testi huma reċenti u għadhom ma pproduċewx l-effetti kollha mistennija. Barra minn hekk, meta l-kriżi ekonomika tirriżulta f'li tnaqqas il-mezzi tal-pulizija u tal-ispetturi tax-xogħol, tkabbar l-ekonomija informali u żżid il-faqar u l-prekarjetà, dan iżid ir-riskju li jiżdied ix-xogħol furzat. Il-prevenzjoni hija ċertament is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni, l-informazzjoni iżda wkoll il-ġlieda kontra l-ekonomija informali u l-faqar, b'attenzjoni partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, fosthom il-migranti li ma jitkellmux il-lingwa tal-pajjiż li jilqagħhom.

L-ispetturi tax-xogħol għandu jkollhom mezzi suffiċjenti ta' kontroll, u għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea billi tinħoloq aġenzija responsabbli biex titratta kwistjonijiet transkonfinali, u billi jitwessa' l-mandat tal-pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn l-ispetturi tax-xogħol b'mod li jiżdied ix-xogħol furzat u jikkoordina l-korpi l-oħra kompetenti (dipartimenti tat-taxxa) biex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat.

L-ispetturi tax-xogħol, il-ħaddiema soċjali u t-trejdjunjonisti għandhom ikollhom indikaturi (il-ħaddiem għandu passaport, jista' jivvjaġġa b'mod ħieles, qed jitħallas is-salarju tiegħu...) biex jiġi identifikat ix-xogħol furzat u biex ikunu jistgħu javżaw lis-servizzi tal-pulizija (15).

L-aġenziji inkarigati mir-reklutaġġ u l-impjiegi f'pajjiżi oħra tal-UE u anke aktar 'il bogħod (fis-setturi tal-bini, l-agrikoltura, iż-żibel u t-tindif...) għandhom jiġu kontrollati u sorveljati biex jiġu evitati prattiki frodulenti; L-Istrateġija Ewropea kontra t-traffikar tal-persuni tipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-aġenzija Ewropea għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) biex tiżviluppa gwida ta' prattiki tajbin għall-awtoritajiet pubbliċi li jirrigwardaw is-sorveljanza tal-aġenziji tar-reklutaġġ u ta' impjieg, kif ukoll l-aġenziji tax-xogħol temporanju biex jiġi evitat it-traffikar tal-persuni. Il-gwida għandha tinkludi sistemi ta' liċenzjar kif ukoll l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà ta' dawn l-aġenziji.

Il-vittmi għandhom jiġu mħarsa, u d-drittijiet tagħhom garantiti u rkuprati (ħlas b'lura, ħarsien soċjali) u għandhom jiġu kumpensati skont id-danni li sofrew. M'għandhomx jiġu mħarrka għal ksur tal-liġi tal-imigrazzjoni, il-pussess ta' dokumenti foloz tal-identità jew għal atti kriminali li jkunu wettqu għax sfurzati (16). Huma t-traffikanti l-kriminali li għandhom jiġu mħarrka. Il-konfiska tal-beni tat-traffikanti għandha tippermetti li l-vittmi tagħhom jiġu kumpensati.

Il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jieħdu azzjoni legali u għaldaqstant ikunu awtorizzati li jibqgħu fit-territorju sakemm il-proċess jintemm, anke fil-każ ta' dħul illegali fit-territorju tal-UE. Il-permess ta' soġġorn m'għandux jiddependi mir-rieda tal-vittmi li jikkooperaw mal-pulizija u l-ġustizzja, numru minnhom huma wisq trawmatizzati u kellhom esperjenzi negattivi ferm mal-pulizija. Huma jistgħu jibżgħu li jekk jixhdu kontra dawk li jkunu sfruttawhom, il-familji tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini jbatu xi konsegwenzi. Id-Direttiva 0211/36 tipprevedi għadd ta' obbligi għall-Istati Membri dwar l-assistenza u l-ħarsien tal-vittmi. L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri trid tkun kemm jista' jkun effikaċi biex tikseb ħarsien adegwat tal-vittmi, anke dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

3.3.2

Barra mill-Unjoni Ewropea, il-fatt li l-globalizzazzjoni ġabet magħha atturi ġodda, NGOs u multinazzjonali għandu jiġi kkunsidrat aħjar. Ir-regoli tad-WTO ma jsemmux b'mod espliċitu biżżejjed il-konvenzjonijiet tal-ILO. Osservatur tal-ILO għandu jipparteċipa fix-xogħol tad-WTO. L-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmi ta' kontroll tal-ILO dwar il-leġislazzjoni u l-prattika tal-Istati Membri tal-ILO għandha tiġi rinfurzata wkoll. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu spiss mingħajr segwitu minħabba n-nuqqas ta' rieda politika u/jew riżorsi finanzjarji u ta' kapaċitajiet amministrattivi adegwati biex jiġu implimentati.

3.3.3

L-Unjoni Ewropea qed tħejji direttiva dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi (17) li ser tirrikjedi li l-intrapriżi li jkollhom aktar minn 500 dipendenti jdaħħlu fir-rapport tal-attivitajiet tagħhom dikjarazzjoni mhux finanzjarja dwar l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq affarijiet ambjentali, soċjali u tal-persunal, fosthom ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-isforzi mmirati li jiġġieldu l-korruzjoni. Din id-Direttiva hija koerenti mar-regoli tal-ILO (Opinjoni tal-KESE INT/698).

3.3.4

Il-politika tal-iżvilupp u tal-għajnuna esterna tista' tkun lieva jekk l-għajnuna tiġi marbuta mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kemm għall-Istati kif ukoll għal atturi oħra, b'mod partikolari intrapriżi multinazzjonali li jisfruttaw ir-riżorsi tal-pajjiżi mgħejuna. Barra min hekk, l-iżvilupp għandu jinkludi proġetti dwar it-titjib tal-kapaċità amministrattiva, fosthom taħriġ adegwat għall-ispetturi tax-xogħol u għall-imsieħba soċjali dwar l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-ILO. Il-politika kummerċjali u l-politika tal-iżvilupp iridu jiġu żviluppati għal applikazzjoni aħjar tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ir-ratifika u l-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet tal-ILO dwar ix-xogħol furzat (29 u 105), kif ukoll ta' konvenzjonijiet oħra fundamentali tal-ILO għandhom jiġu riflessi fil-ftehimiet kummerċjali, ta' kooperazzjoni u ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u jkunu suġġetti għal segwitu regolari. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jipparteċipaw permezz ta' korpi ta' segwitu dwar l-implimentazzoni tal-ftehimiet kummerċjali u l-kapitlu tagħhom dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

3.3.5

L-Involviment tas-soċjetà ċivili

3.3.5.1

Rwol akbar tal-intrapriżi fir-rispett tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dan huwa dak li l-OECD tirrakkomanda fil-linji gwida dwar l-intrapriżi multinazzjonali (18). Dan huwa dak li jipproponi wkoll ir-rapport Ruggie (NU) (19) li huwa favur il-parteċipazzjoni tal-gvernijiet, l-intrapriżi, is-soċjetà ċivili u l-investituri. Dan ir-rapport jirrakkomanda lill-intrapriżi li jwettqu studji ta' riskju (due diligence). L-intrapriżi għandhom jipprevjenu u b'hekk isiru atturi kontra l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali. L-intrapriżi multinazzjonali u l-investituri jridu jsiru responsabbli peress li huwa l-interess tagħhom iżda wkoll biex ikunu jistgħu jiġu mħarrka meta jonqsu milli jkunu attenti. L-intrapriżi għandhom ukoll jagħtu rendikont tal-mod li bih jimplimentaw l-istandards tal-ILO. Il-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom għandha tiġi vverifikata minn aġenziji ta' valutazzjoni mhux finanzjarja indipendenti.

3.3.5.2

Diversi multinazzjonali huma Ewropej, u huma mexxejja speċjalment fil-qasam tal-ftehimiet qafas internazzjonali ffirmati mal-federazzjonijiet internazzjonali tat-trejdjunjins, l-aktar dwar is-CSR, li jinkludu l-ġlieda kontra x-xogħol furzat. L-istrateġija l-ġdida (20) tal-UE 2011-2014 dwar is-CSR tesiġi li l-intrapriżi Ewropej jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltà li għandhom li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniendem (21).

3.3.5.3

L-investimenti wkoll huma lieva: għadd ta' investituri huma firmatarji tal-Prinċipji tan-NU għall-Investiment Responsabbli (22), u l-investimenti soċjalment responsabbli llum jirrappreżentaw 22 % tal-flussi, li minnhom 49 % huma Ewropej.

3.3.5.4

L-intrapriżi jistgħu jaġixxu permezz tal-politiki tax-xiri responsabbli, iżda anki l-amministrazzjonijiet u l-awtoritajiet lokali billi dawn jiggarantixxu li fl-akkwist pubbliku, l-intrapriżi li jaħdmu magħhom ikun ħadu l-miżuri biex jeliminaw ix-xogħol furzat mill-katina tal-provvista tagħhom.

3.3.5.5

L-NGOs Ewropej huma wkoll fuq quddiem fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward l-għarfien dwar fejn u f'liema kundizzjonijiet jiġu ffabbrikati l-ħwejjeġ u ż-żraben (23), kif ukoll il-prodotti tal-ikel li jiġu mill-pajjiżi terzi. L-eżiġenza ta' trasparenza akbar u traċċabbiltà għall-elementi kollha li jiffurmaw prodott jew servizz għandha telimina l-ħidma furzata.

3.3.5.6

Diversi organizzazzjonijiet trejndjunjonistiċi għandhom esperjenzi x'jaqsmu mal-oħrajn dwar kif għandu jsir it-taħriġ dwar il-mod li bih għandu jiġi trattat ix-xogħol furzat, metodi tax-xogħol ma' NGOs speċjalizzati fl-għajnuna għall-migranti klandestini, iżda mhux kulħadd huwa konsapevoli b'mod globali dwar id-daqs tal-problema, ħafna għadhom jaħsbu li ma tirrigwardahomx jew li ma jistgħu jagħmlu xejn. L-Istati jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins biex jorganizzaw lill-ħaddiema fis-settur informali.

L-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins tal-pajjiżi li jagħtu l-ordnijiet għandhom jappoġġjaw it-trejdjunjoniżmu fil-pajjiżi li jaħdmu fuq l-ordnijiet, u t-talbiet tal-ħaddiema tal-pajjiżi terzi għal salarji li jippermettu li wieħed jgħix u ħinijiet tax-xogħol deċenti.

Il-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew huma wieħed mill-mezzi li jissensibilizza u li jaġixxi kontra x-xogħol furzat.

Brussell, 30 ta' April 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  2011/36/EU http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:101:0001:0011:EN:PDF

(2)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52012DC0286:MT:NOT

(3)  ĠU L 101/1 tal-15.4. 2011

(4)  L-ILO u l-Kummissjoni Ewropea talbu lil grupp ta' esperti għal indikaturi operattivi biex jidentifikaw it-traffikar tal-persuni. F'dan id-dokument, hemm paġna dedikata b'mod speċifiku għall-isfruttar mix-xogħol http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---declaration/documents/publication/wcms_105023.pdf

(5)  http://www.unodc.org/documents/data-and-analysis/glotip/Trafficking_in_Persons_2012_web.pdf

(6)  EUROSTAT (2013) Trafficking in Human Beings http://ec.europa.eu/anti-trafficking/EU+Policy/Report_DGHome_Eurostat.

(7)  Għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċifri tal-Eurostat 2013 huma bbażati esklussivament fuq iċ-ċifri komunikati mill-Istati Membri u ma jqisux il-vittmi mhux identifikati tat-traffikar tal-persuni. Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew data. Bl-istess mod, il-metodoloġiji użati minn awtoritajiet nazzjonali differenti jvarjaw ħafna. Għaldaqstant il-paraguni diretti bejn pajjiżi tista' toħloq impressjonijiet foloz.

(8)  ILO (2012): ILO Global Estimate of Forced Labour: Results and methodology, Ġinevra, 2012. Id-data tal-ILO tirrigwarda l-għadd stmat (kontra n-numru indikat) ta' persuni f'sitwazzjoni ta' xogħol furzat. Dawn iċ-ċifri jikkorrispondu għal stima tal-livell minimu, peress li ġew użati kriterji stretti ta' validazzjoni u ta' estrapolazzjoni tad-data. L-istimi huma maqsuma skont ir-reġjuni. Mhemmx diviżjoni bil-pajjiż peress li ftit wisq pajjiż ippruvaw jagħmlu stima fil-livell nazzjonali.

http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---declaration/documents/publication/wcms_182004.pdf.

(9)  Pereżempju, impjegatur Irlandiż weħel multa ta' EUR 90  000 għal salarji li ma tħallsux lil ħaddiem furzat. L-impjegatur appella bil-pretest li l-ħaddiem ma kellux dritt għall-ħlas peress li kien hemm illegalment u rebaħ il-kawża (http://www.mrci.ie/resources/publications/mrciupdates/the-fight-for-justice-muhammads-story-part-ii/).

(10)  Patrick Belser, “Forced Labor and Human Trafficking: Estimating the Profits”, dokument ta' ħidma, Ġinevra, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2005). http://www.ilo.org/sapfl/Informationresources/ILOPublications/WCMS_081971/lang--en/index.htm.

(11)  Nazzjonijiet Uniti (2011) Report of the Special Representative of the Secretary- General on the issue of human rights and transnational corporations and other business enterprises, John Ruggie, UN GA A/HRC/17/31 http://www.ohchr.org/EN/Issues/TransnationalCorporations/Pages/Reports.aspx.

(12)  OECD Guidelines for Multinational Enterprises (2011): http://www.oecd.org/daf/inv/mne/oecdguidelinesformultinationalenterprises.htm

(13)  ISO 26000 – Social responsibility: http://www.iso.org/iso/home/standards/iso26000.htm?=

(14)  ILO Tripartite declaration of principles concerning multinational enterprises and social policy (MNE Declaration) – 4th Edition (2006):

http://www.ilo.org/empent/Publications/WCMS_094386/lang--en/index.htm.

(15)  http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_norm/---declaration/documents/publication/wcms_105023.pdf

(16)  OSCE guidelines on non-punishment 2013 (linji gwida tal-OSKE dwar in-nuqqas ta' kastig), http://www.osce.org/cthb/101083.

(17)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar – COM(2013) 207 final – 2013/0110 (COD)

(18)  http://www.oecd.org/fr/daf/inv/mne/principesdirecteursdelocdealintentiondesentreprisesmultinationales.htm

(19)  http://www.ohchr.org/Documents/Issues/Business/A.HRC.17.31_fr.pdf

(20)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0681:FIN:MT:PDF.

(21)  Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva

2011-2014 COM(2011) 681 final http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0681:FIN:mt:PDF

(22)  Sit tal-Internet dwar “Principles for Responsible Investment” tan-Nazzjonijiet Uniti: http://www.unpri.org/

(23)  Sit tal-internet tal-kampanja Clean Clothes: http://www.cleanclothes.org/.


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ipproċessar adatt tal-insolvenza għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali” (opinjoni esploratorja)

2014/C 311/06

Relatur ġenerali: is-Sinjura Mader

F’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2013 u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sur Theodoros Sotiropoulos, ir-Rappreżentant Permanenti tal-Greċja għall-Unjoni Ewropea, f'isem il-Presidenza Griega, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ipproċessar adatt tal-insolvenza għall-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-498 Sessjoni Plenarja tiegħu tad-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta' April 2014) li jaħtar lis-Sinjura Reine-Claude Mader bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'164 vot favur, 12-il vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jagħti ħafna attenzjoni lill-problema tal-insolvenza li żdiedet bil-kriżi finanzjarja, iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u r-rikors għal kreditu fi flus. Il-KESE esprima fehmtu f'diversi opinjonijiet dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri fil-livell Ewropew.

1.2

Jistqarr li għalkemm ġew identifikati l-kawżi ma teżisti l-ebda definizzjoni armonizzata tal-kunċett ta' insolvenza u lanqas ma jeżistu mezzi biex ikollna stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi membri. Għaldaqstant jitlob li tiġi adottata definizzjoni komuni.

1.3

Din id-definizzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin: (1) il-familja bħala unità ta' kejl importanti għall-kwantifikazzjoni tal-insolvenza; (ii) l-impenji finanzjarji; (iii) l-impenji informali fi ħdan familja jew komunità; (iv) in-nuqqas ta' kapaċità ta' ħlas; (v) l-insolvenza strutturali; (v) livell ta' ħajja diċenti u (vii) l-insolvenza.

1.4

Il-KESE jinsisti biex il-protezzjoni tal-konsumaturi tiġi integrata realment fil-miżuri kollha adottati għat-twettiq tas-suq intern.

1.5

L-indirizzar tal-insolvenza għandu jsir bis-saħħa tal-edukazzjoni, il-prevenzjoni, proċeduri adatti li għandhom iwasslu għar-reintegrazzjoni tal-persuni insolventi fil-ħajja ekonomika normali.

1.6

Sabiex dan iseħħ huwa indispensabbli li jkun hemm stampa ġenerali tal-problema tal-insolvenza tal-familji u l-implimentazzjoni ta' miżuri effikaċi.

1.7

L-edukazzjoni finanzjarja għandha l-ewwel u qabel kollox tkun mifruxa fl-ambjent skolastiku u għandha tkun disponibbli wkoll fi kwalunkwe ħin u għal kulħadd. F'dan ir-rigward il-KESE jħeġġeġ il-kampanji ta' informazzjoni li fihom għandhom jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha sabiex tiġi żgurata komplementarjetà tal-esperjenzi.

Jenfasizza r-rwol indispensabbli li jaqdu l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-familji fit-tixrid tal-informazzjoni u l-għajnuna mogħtija lill-persuni li jixtiequha.

1.8

F'għadd ta' Stati Membri ġew implimentati mekkaniżmi ta' prevenzjoni u għall-indirizzar tas-sitwazzjonijiet tal-insolvenza iżda dawn ivarjaw.

Il-KESE jqis li għandha tiġi stabbilita proċedura adatta u uniformi bbażata fuq l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 114 tat-TFUE, u saħansitra l-Artikolu 81 tat-TFUE fl-Istati Membri kollha, skont il-prinċipji ġenerali proposti mill-Kummissjoni fi proposta għal Direttiva u dan juri b'mod konkret l-interess li jieħu l-Parlament biex isolvi l-problemi taċ-ċittadini Ewropej.

1.9

Dawn il-prinċipji għandhom jikkonċernaw in-natura rapida u bla ħlas tal-proċedura, is-sospensjoni tal-proċedimenti ladarba tinfetaħ proċedura intiża biex trażżan l-insolvenza, il-verifika tal-kredituri, il-preservazzjoni tal-abitazzjoni prinċipali, it-trattament ugwali tal-kredituri ordinarji, il-possibbiltà li jiġi kkanċellat id-dejn fl-aktar sitwazzjonijiet onerużi u l-obbligu li l-persuna insolventi jkollha mezzi biżżejjed biex tgħix fil-ħajja ta' kuljum bil-għan li l-konsumatur jerġa' jintegra malajr fil-ħajja ekonomika u soċjali.

1.10

Il-Kumitat ifakkar ukoll fl-importanza li jagħti lill-inklużjoni bankarja li għandha tiġi salvagwardjata għall-persuni f'sitwazzjoni ta' insolvenza sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali.

1.11

Il-ġlieda kontra l-insolvenza tirrikjedi wkoll qafas Ewropew għall-użura.

1.12

Għaldaqstant, iqis li t-tnaqqis tal-għadd ta' każijiet ta' insolvenza ma jistax jinkiseb biss permezz tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu biex tiġi indirizzata l-insolvenza. Dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri intiżi li jiżviluppaw l-edukazzjoni domestika u finanzjarja, li jimplika li jeħtieġ li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji għal dan il-għan.

1.13

Fl-aħħar, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-insolvenza tista' tiġi kkontrollata biss jekk jiġu rispettati t-testi. F'dan ir-rigward ifakkar li jappoġġja l-kunċett ta' “kreditu responsabbli” li jimplika prattiki leali u etiċi min-naħa tad-distributuri u l-assiguraturi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2013, il-Kummissjoni fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali (1), innotat żieda qawwija fl-għadd ta' tkeċċijiet u ta' persuni mingħajr dar mill-bidu tal-kriżi 'l hawn, u tiddikjara li l-insolvenza hija waħda mill-kawżi ta' din is-sitwazzjoni

2.2

Il-fenomenu tal-insolvenza ġie enfasizzat fil-bidu tas-snin 80 peress li beda jolqot għadd dejjem akbar ta' nies, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn il-kategoriji soċjoprofessjonali.

2.3

Is-sitwazzjonijiet tal-insolvenza ma jistgħux jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala problema tal-individwu li jkun maħkum mill-interessi u l-passjonijiet tiegħu. Dawn is-sitwazzjonijiet illum il-ġurnata jirriflettu kriżi soċjali u soċjetali.

2.4

Fl-2013, il-Bank Ċentrali Ewropew stqarr li aktar minn nofs il-popolazzjoni taż-żona tal-euro ma kellha l-ebda dejn ma' stabbilimenti finanzjarji (2).

2.5

Skont dan l-istħarriġ, l-insolvenza tfeġġ ġeneralment wara tnaqqis imprevist tad-dħul, b'rabta b'mod partikolari mat-telf tal-impjieg, mard, separazzjoni jew saħansitra l-konsum eċċessiv (3).

2.6

Wara d-Danimarka li, fl-1984, stabbiliet mekkaniżmu komplut għall-indirizzar tal-insolvenza tal-individwi, Franza kienet it-tieni pajjiż Ewropew li adotta miżuri simili, permezz tal-liġi tal-31 ta' Diċembru 1989 dwar il-prevenzjoni u r-regolazzjoni tad-diffikultajiet marbuta mal-insolvenza tal-individwi u l-familji (4).

2.7

L-insolvenza tolqot lill-Istati Membri kollha fi gradi differenti. Din iggravat bil-kriżi finanzjarja li ddestabilizzat l-ekonomija ta' bosta pajjiżi. Għaldaqstant huwa importanti li s-sitwazzjoni tiġi indirizzata b'mod li l-atturi ekonomiċi kollha jesperjenzaw il-konsegwenzi finanzjarji; fil-fatt, l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs jinsabu f'pożizzjoni fraġli minħabba l-ammonti mhux imħallsa mill-klijenti tagħhom li saru insolventi.

2.8

Attwalment, hija aktar ta' tħassib għaliex qed tolqot lill-ħaddiema foqra, lil dawk qiegħda, li akkumulaw kontijiet mhux imħallsa ta' servizzi indispensabbli, bħall-enerġija, l-ilma, l-assigurazzjoni, u t-telefonija, kif ukoll ittardjaw fil-ħlas tal-kera. Qed tolqot ukoll lill-persuni tal-klassi medja sikwit b'riżultat ta' xi kumbinazzjoni fil-ħajja, iżda wkoll lill-pensjonanti li l-pensjonijiet tagħhom tnaqqsu minħabba l-politika ta' awsterità u lil dawk li jappoġġjaw finanzjarament lill-familji tagħhom (5). Il-kawżi tal-insolvenza ġew identifikati. L-insolvenza hija kkawżata mill-qgħad, l-impjieg prekarju, u ċerti sitwazzjonijiet fi ħdan il-familji. Nafu li l-familji b'ġenitur wieħed huma dawk l-iktar milquta. Jista' jagħti l-każ li f'ċerti każijiet l-insolvenza tkun ir-riżultat ta' aċċident fil-ħajja, divorzju, separazzjoni, mewt, marda jew diżabbiltà bi spejjeż għoljin għall-kura. Il-prezzijiet esaġerati ta' reġistrazzjoni f'universitajiet f'ċerti Stati Membri jaqdu rwol konsiderevoli wkoll fl-insolvenza taż-żgħażagħ.

2.9

Iż-żieda reċenti tal-insolvenza tinkludi kategorija soċjoloġika oħra: il-persuni ta' klassi medja li tilfu xogħolhom u qed jiffaċċjaw spejjeż ipotekarji kbar fuq darhom, mingħajr prospetti li jsibu xogħol ġdid fil-perjodu qasir.

2.10

Għaldaqstant, bejn il-kategoriji ta' persuni milquta u fi ħdanhom teżisti eteroġeneità kbira tal-kawżi u l-konsegwenzi tal-insolvenza.

2.11

Ir-riskju tal-insolvenza huwa enfasizzat bl-asimetrija bejn il-progressjoni tad-dħul u dik tal-għoli tal-ħajja b'rabta mal-evoluzzjoni tal-modi ta' ħajja, il-politiki nazzjonali ta' awsterità, iż-żieda tal-ispejjeż tal-ħajja ta' kuljum bħall-enerġija, l-akkomodazzjoni, il-komunikazzjoni elettronika, it-telefonija, it-trasport u l-ispejjeż finanzjarji.

2.12

L-użu tal-kreditu f'soċjetà ta' abbundanza, imħeġġeġ minn kampanji ta' reklamar aggressivi u li jqarrqu bħala kumpens għal nuqqas ta' dħul, l-akkwist ta' beni u servizzi huwa wkoll kawża tal-insolvenza f'ħafna każijiet. F'dan ir-rigward ta' min jinnota li l-individwi vulnerabbli għandhom “dejn ħażin” peress li m'għandhomx aċċess għall-forom kollha ta' kreditu minħabba n-nuqqas ta' solvenza tagħhom. Dawn l-individwi jiġu ggwidati lejn l-aktar formoli għolja tat-tip “kreditu fi flus” li sikwit huma assoċjati ma' karti bankarji maħruġa minn sorsi differenti, b'rati għoljin ħafna.

2.13

Sikwit l-offerti ta' dan it-tip ta' karti ta' kreditu jintbagħtu bil-posta fid-djar u jinkludu frażijiet bħal “Proset! Għadek kif irbaħt self bla ħlas u mingħajr spejjeż ta' rimborż” li jinjoraw ir-regoli dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jitlob li tul ta' żmien u l-limitu tal-użu ta' dawn il-karti jkunu kkontrollati b'mod strett (6).

2.14

Ta' min jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tar-rata tal-kreditu għal xiri ta' proprjetà jew ta' kreditu għall-konsumatur. Ċertu self jingħata b'rati varjabbli mingħajr limitu u li jistgħu jevolvu b'mod konsiderevoli skont is-suq.

2.15

Jista' jiġri li, bl-iskuża li biex il-familji jsiru solventi, xi tipi ta' self jingħataw b'rati progressivi u jantiċipaw evoluzzjoni fid-dħul, liema evoluzzjoni ma seħħetx minħabba l-kriżi u dan minħabba li ċerti pajjiżi applikaw limiti massimi fuq is-salarji jew saħansitra minħabba t-telf tas-salarji.

2.16

Barra minn hekk, minħabba nuqqas ta' armonizzazzjoni Ewropea, f'ċerti Stati Membri ma jeżistux regolamenti dwar l-użura.

2.17

Xi familji insolventi li qed jiffaċċjaw pagamenti dovuti jew rimborżi skaduti jinsabu f'riskju akbar ta' esklużjoni soċjali filwaqt li qegħdin fil-periklu li jiċċaħħdu minn servizzi bażiċi jew jitkeċċew mill-akkomodazzjoni tagħhom, biex ma nsemmux il-problemi ta' aċċess għall-kura li jinħolqu minħabba dan in-nuqqas ta' sigurtà. Pereżempju, aktar minn 75  000 Spanjol insolventi tkeċċew fl-2012, jiġifieri 16,7 % aktar meta mqabbel mal-2011 (7).

2.18

Għalkemm il-kawżi mhumiex għalkollox identiċi minn Stat Membru għal ieħor hemm ftehim ġenerali dwar il-kawżi prinċipali tal-insolvenza. M'hemmx mezzi kif nevalwaw is-sitwazzjoni fil-livell Ewropew bil-preċiżjoni dovuta, kif ġie enfasizzat fl-opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat (8). Fil-fatt ma jeżisti l-ebda ċensiment Ewropew. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' din l-għodda tirrikjedi li l-ewwel nett jintlaħaq ftehim dwar x'nifhmu b'“insolvenza” kif ukoll dwar il-modalitajiet ta' kif tiġi evalwata.

2.19

Il-Kumitat diġa għamel din l-osservazzjoni u esprima x-xewqa tiegħu li titfassal Green Paper li tirrakkomanda soluzzjonijiet operattivi u li ssir konsultazzjoni elettronika.

2.20

F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq li tiġi stabbilita definizzjoni operattiva komuni tal-insolvenza fil-livell Ewropew, u li din tkun ibbażata fuq il-fatt li konsumatur isibha impossibbli li jiffaċċja d-dejn kollu tiegħu, tkun liema tkun in-natura tad-dejn u irrispettivament mill-impenji tiegħu. Fil-fatt, minħabba nuqqas ta' definizzjoni bħal din li kapaċi tevalwa preċiżament dan il-fenomenu multidimensjonali, hemm riskju li l-azzjonijiet pubbliċi jkunu vagi.

2.21

Jappoġġja l-idea li jiġi stabbilit osservatorju Ewropew tal-insolvenza mingħajr spejjeż baġitarji addizzjonali, li jintegra l-prattiki nazzjonali preeżistenti u effikaċi.

2.22

Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-indirizzar tal-insolvenza għandu jseħħ minn stadju bikri permezz tal-edukazzjoni finanzjarja, għodda indispensabbli għall-iżvilupp ta' konsum responsabbli u kkontrollat.

3.   Favur definizzjoni Ewropea operattiva komuni tal-insolvenza

3.1

Skont studju li ġie ppubblikat fi Frar 2008 (9) li jipprovdi stampa ġenerali tad-definizzjonijiet u tal-miżuri adottati sabiex tiġi indirizzata l-insolvenza fit-18-il Stat Membru u f'pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (10) ma jeżisti l-ebda ftehim dwar id-definizzjoni tal-insolvenza peress li l-kunċetti jvarjaw skont il-pajjiżi.

3.2

L-insolvenza fil-fatt hija fenomenu kumpless, multidimensjonali u evoluttiv kif jiġi enfasizzat f'analiżi statistika tal-2013 li ntalbet mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi (DĠ SANCO) tal-Kummissjoni Ewropea (11).

3.3

Kif stqarr ukoll il-Kunsill tal-Ewropa (12), l-insolvenza tista' tkopri l-problemi marbuta mal-maturità tal-kreditu u tikkonċerna lil dawk li minn ġurnata għal oħra jesperjenzaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet.

3.4

Minn dawn is-sorsi differenti jidher li l-unità ta' kejl fil-biċċa l-kbira hija l-familja. Kważi nofs id-definizzjonijiet nazzjonali jirreferu għat-tul tal-insolvenza jew għan-natura strutturali tiegħu. Il-maġġoranza tad-definizzjonijiet jirreferu għall-kapaċità li jitħallsu l-ispejjeż li jkunu ġew kuntrattati.

3.5

Għaldaqstant, joħorġu fid-dieher ċerti elementi komuni u jistgħu jkunu ta' bażi komuni.

3.6

Skont il-KESE, l-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati f'definizzjoni komuni operattiva tal-insolvenza:

il-familja bħala unità ta' kejl importanti għall-kwantifikazzjoni tal-insolvenza (13);

l-impenji finanzjarji kuntrattati. Dawn jinkludu l-kreditu għax-xiri ta' akkomodazzjoni, il-kreditu għall-konsum, il-kontijiet tat-telefonija, tal-komunikazzjoni diġitali, tas-servizzi bażiċi (ilma, tisħin, elettriku, saħħa, eċċ.), il-kera, l-ispejjeż ta' kuljum (ikel, trasport, skejjel);

l-impenji informali fi ħdan il-familja jew komunità. Il-KESE jinsisti li dan il-kriterju jiġi kkunsidrat peress li jirrappreżenta fattur dejjem aktar importanti fil-fenomenu tal-insolvenza;

in-nuqqas ta' kapaċità ta' ħlas. Il-familja insolventi mhijiex kapaċi tħallas l-ispejjeż ta' kuljum kif ukoll dawk relatati ma' impenji kuntrattati u informali;

l-insolvenza strutturali. Dan huwa kriterju temporali intiż biex ikopri l-problemi finanzjarji persistenti u kontinwi;

livell ta' ħajja deċenti. Il-familja għandha tkun kapaċi tirrispetta l-impenji finanzjarji kuntrattati u informali tagħha mingħajr ma tnaqqas l-ispejjeż minimi kruċjali tagħha biex iżżomm il-livell ta' ħajja tagħha;

l-insolvenza. Il-familja ma tkunx kapaċi tirranġa s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha billi timmobilizza l-assi finanzjarji u mhux finanzjarji tagħha.

4.   Il-prevenzjoni tal-insolvenza

4.1   Edukazzjoni finanzjarja u konsum responsabbli

4.1.1

It-tnaqqis tal-għadd ta' każijiet ta' insolvenza ma jistax jinkiseb biss permezz tal-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu legali. Hemm bżonn approċċ olistiku. Għandhom jittieħdu miżuri preventivi biex kemm jista' jkun tiġi evitata l-insolvenza.

4.1.2

Il-ħtieġa ta' edukazzjoni finanzjarja tissemma' b'mod ripetut fid-dibattiti dwar is-servizzi finanzjarji iżda ma jiġux allokati l-mezzi adegwati għal dan il-għan. Biex wieħed jikkonvinċi ruħu dwar dan jeħtieġ li jitqabblu l-ammonti ta' flus allokati għar-reklamar u dawk għall-edukazzjoni finanzjarja.

4.1.3

Fost il-miżuri li jirrakkomanda, il-KESE diġà enfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata edukazzjoni favur konsum sostenibbli (14). Iqis li l-edukazzjoni finanzjarja hija indispensabbli, għaliex tikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba ta' baġit personali u għall-prevenzjoni tal-insolvenza.

4.1.4

Il-KESE jinnota li l-edukazzjoni preventiva mhija żgurata minn prestatur uniku fl-ebda wieħed mit-18-il Stat Membru msemmi aktar 'il fuq. Jixtieq li l-Unjoni Ewropea timplimenta sistema ta' edukazzjoni li kapaċi twettaq l-ambizzjoni mixtieqa.

4.1.5

Il-KESE jitlob li l-edukazzjoni finanzjarja tiġi integrata fil-kurrikuli skolastiċi. F'dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dan it-taħriġ jiġi adattat għall-età u għall-għarfien tad-destinatarji sabiex jikkorrespondi mal-ħtiġijiet tagħhom.

4.1.6

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jipprevedu programm ta' edukazzjoni finanzjarja nazzjonali, kemm mill-għalliema kif ukoll fil-qafas ta' sħubijiet pubbliċi/privati, u tikkomunika aktar dwar l-għodod eżistenti fil-livell Ewropew.

4.1.7

Il-KESE jqis li l-kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar it-tema tal-finanzi għandhom jissaħħu – l-edukazzjoni għandha tkun tista' tolqot il-pubbliku kollu. Iqis li dawn il-kampanji jistgħu jiġu organizzati mill-atturi soċjoekonomiċi differenti, l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs, il-federazzjonijiet professjonali u l-federazzjonijiet tal-konsumaturi. Fil-fatt, hemm bżonn ta' komplementarjetà bejn is-sorsi differenti ta' informazzjoni, fl-interess ġenerali. Il-ħtieġa ta' din l-informazzjoni hija rikonoxxuta f'ċerti pajjiżi li stabbilixxew programmi disponibbli għaċ-ċittadini.

4.1.8

Fil-fehma tal-KESE huwa wkoll importanti li l-persuni li hekk jixtiequ, ikollhom aċċess faċli tul ħajjithom kollha għall-informazzjoni, pariri, għajnuna fil-ġestjoni tal-baġit jew għas-soluzzjoni tad-diffikultajiet li jista' jkollhom mal-istabbilimenti ta' kreditu tagħhom, iżda wkoll mal-provvedituri ta' servizzi jew mal-amministrazzjoni. F'dan ir-rigward iqis li jeħtieġ li tiġi appoġġjata u valorizzata l-ħidma li diġà twettqet mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, li jinsabu qrib il-pubbliku, u li joffru l-għajnuna tagħhom kemm billi jorganizzaw laqgħat ta' informazzjoni kif ukoll billi jakkumpanjaw u jgħinu lill-persuni kkonċernati.

4.1.9

Fl-aħħar, l-insolvenza tista' tiġi kkontrollata biss jekk jiġu rispettati t-testi fl-ispirtu u fir-realtà dwar il-kreditu għall-konsum, il-kreditu għall-proprjetà u l-prattiki kummerċjali żleali (klawżoli abbużivi, reklamar qarrieqi, approċċ aggressiv) (15).

4.2   Il-prevenzjoni tal-insolvenza għandha ssir billi jiġu promossi s-self responsabbli u s-sanzjonijiet dissważivi f'każ ta' ksur tal-obbligi ta' informazzjoni tal-professjonisti

4.2.1

Il-professjonisti għandhom iġibu ruħhom b'mod responsabbli sa mill-offerti tagħhom u r-reklami li jxandru, kif ukoll fil-pariri u l-ispjegazzjonijiet li jipprovdu lill-konsumaturi meta jissellfu l-flus. Dan jirrikjedi approċċ personalizzat u hija ħasra dan ma jikkostitwixxix in-norma attwali fil-prattika, minkejja l-leġislazzjonijiet eżistenti u l-kodiċi ta' kondotta li nsibu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. It-trasparenza dwar il-prodotti, b'mod partikolari meta jkun self f'munita barranija, ir-riskji tagħhom għall-persuni li jkunu garanti jew għall-konjugi li jkunu involuti indirettament u ċ-ċarezza tal-informazzjoni għandhom ikunu r-regola, irrispettivament mill-mezz li jintuża.

4.2.2

Il-KESE jappoġġja l-kunċett ta' “kreditu responsabbli” fis-sens li jixħet dubju fuq il-kokontraenti (16). Il-kontroll tal-attribuzzjoni tal-kreditu permezz ta' reġistri huwa pass f'din id-direzzjoni.

4.2.3

F'dan il-kuntest sensittiv, il-KESE jqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-trattament tad-data personali.

4.3   Il-prevenzjoni tal-insolvenza billi jiġi rregolat il-kreditu u s-settur professjonali tal-kreditu lill-individwi

4.3.1

Id-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur (17) tinkariga lill-Istati Membri biex jimponu fuq dawk li jsellfu jew fuq l-intermedjarji tal-kreditu l-obbligu li jinfurmaw b'mod ċar lill-konsumatur fir-reklami tagħhom, billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom elementi ta' paragun u tipprevedi wkoll id-data finanzjarja prinċipali li għandha tidher fuq il-kuntratt.

4.3.2

Din id-Direttiva bbażata fuq l-informazzjoni tal-konsumatur mhijiex biżżejjed għall-prevenzjoni tal-insolvenza.

4.3.3

Leġislazzjoni effikaċi f'dan il-qasam għandha tipprevedi miżuri għall-edukazzjoni tal-professjonisti u tal-konsumaturi.

4.3.4

Għaldaqstant, ċerti Stati Membri jmorru lil hinn minn din id-Direttiva u jipprevedu li l-kuntratt ta' kreditu ta' konsum għandu jwissi lill-konsumatur kontra ċerti abbużi, jew ifakkru fid-dritt tiegħu li jirċievi tabella dettaljata ta' amortizzazzjoni.

4.3.5

Il-KESE jitlob li titfassal leġislazzjoni iktar ta' inċentiv u aktar ambizzjuża mid-Direttiva 2006/114/KE dwar ir-riklamar qarrieqi u komparattiv (18), sabiex jiġu projbiti ċerti forom ta' pubbliċità qarrieqa jew abbużiva, b'mod partikolari meta din tkun intiża lejn konsumaturi vulnerabbli jew li diġà ma jkunux kapaċi jħallsu d-dejn tagħhom (19).

4.4   Il-ġlieda kontra l-użura

4.4.1

Il-konsumatur Ewropew ikun ipproteġut aħjar jekk ikun jeżisti qafas Ewropew dwar l-użura. Il-mekkaniżmu essenzjali tal-ġlieda kontra l-użura huwa li tiġi stabbilita rata massima għall-ispiża totali tal-kreditu li tinkludi l-interessi u l-ispejjeż kollha marbuta mal-kuntratt tal-kreditu espressa bħala persentaġġ, skont il-metodu magħruf tar-rata perċentwali annwali ta' imposta (RPAI). Din ir-rata tvarja skont it-tip ta' kreditu jew ammont misluf.

4.4.2

Il-kuntest Ewropew huwa eteroġenu ħafna f'dan ir-rigward (20).

4.4.3

B'mod ġenerali, jeżistu salvagwardji għall-kreditu għall-individwi iżda ċerti pajjiżi lliberalizzaw għalkollox is-sistemi tal-użura għall-kreditu lill-intrapriżi. Franza u l-Italja biss għadhom l-eċċezzjonijiet.

4.4.4

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-kontroll tar-rati ta' interess mhuwiex ibbażat fuq il-liġi iżda fuq il-każistika. Dan huwa l-każ tar-Renju Unit u ta' Spanja.

4.4.5

Fil-Ġermanja, il-qrati jqisu l-użura billi jibbażaw fuq il-valutazzjonijiet tas-swieq ippubblikati kull xahar mill-Bundesbank għal tipi differenti ta' kreditu. Id-differenza tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva meta tisboq id-doppju tal-valur tas-suq.

4.4.6

Bħall-Franza, l-Italja għandha liġi li tirregola r-rati tal-interessi. Ir-rata tal-użura tiġi evalwata mill-ġdid kull tliet xhur ukoll. Iżda rata ta' interessi tiġi kkunsidrata bħala użura jekk tisboq aktar minn 50 % tar-rata medja applikata mill-banek.

5.   L-indirizzar tal-insolvenza

5.1

Bosta Stati Membri stabbilixxew proċeduri legali biex irażżnu l-insolvenza. Fir-rigward tad-data disponibbli u minkejja l-eżistenza ta' studji ta' leġislazzjonijiet ikkumparati jew statistiċi dwar it-28 Stat Membru, jidher li l-objettiv ġenerali tal-indirizzar tal-insolvenza huwa li tinstab soluzzjoni għall-familji biex jevitaw l-esklużjoni soċjali, u biex meta dan ikun possibbli tippermettilhom iħallsu d-dejn tagħhom b'mod li jkun jirrispetta l-kapaċitajiet ta' ħlas tagħhom. Ċerti mekkaniżmi jipprevedu li jista' jkun hemm eliminazzjoni parzjali jew totali tad-dejn meta s-sitwazzjoni tal-persuni insolventi tkun definittivament kompromessa, u dan sabiex jingħataw ċans ieħor.

5.2

Il-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi li dwarha l-KESE fassal Opinjoni hija eżempju interessanti f'dan ir-rigward (21).

5.3

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej implimentaw proċeduri legali għall-indirizzar tal-insolvenza li jvarjaw fin-natura, il-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-oġġett tad-dejn.

5.3.1

Dawn il-proċeduri jinkludu l-possibbiltajiet kollha biex imħallef jimponi pjan ta' approvazzjoni lill-persuni insolventi u lill-kredituri tagħhom. Id-deċiżjoni ġeneralment tkun preċeduta minn fażi “amikevoli” li matulha jitfittex ftehim bejn il-partijiet differenti fuq pjan li f'każ ta' suċċess iwassal għall-adozzjoni tal-abbozz ta' pjan mill-imħallef (22).

5.3.2

B'mod parallel għall-intervent tal-imħallef, dawn il-proċeduri jwasslu għall-ħatra ta' marixxal tal-ġustizzja (il-medjatur tad-dejn fil-Belġju, ir-riċivent fil-Pajjiżi l-Baxxi) inkarigat biex jirċievi d-dikjarazzjonijiet ta' dejn, jivverifikahom, jinvestiga l-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-istat tal-finanzi tal-persuni insolventi, jiddefinixxi fejn ikun hemm bżonn id-dħul neċessarju biex il-persuna tkun tista' tassumi l-ispejjeż ta' kuljum tagħha, iżomm id-dħul żejjed immirat għall-ħlas tal-kredituri, ibigħ uħud mill-beni tagħha, ifassal abbozz ta' pjan ta' approvazzjoni u jikkontrolla l-eżekuzzjoni tiegħu kif ukoll il-lealtà tal-persuni insolventi (23).

5.3.3

F'dan ir-rigward, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li fil-livell Ewropew jiġi previst li ċerti beni kruċjali fl-ebda każ ma jistgħu jiġu sekwestrati, u lanqas mibjugħa bi prezz baxx.

5.3.4

It-tnedija ta' dawn il-proċeduri twassal biex fil-biċċa l-kbira l-kredituri ordinarji ma jkunux jistgħu jiftħu kawżi kontra l-individwi fir-rigward tal-beni jew id-dħul tal-persuni benefiċjarji. Naturalment dawn ma jistgħux jaggravaw l-insolvenza tagħhom peress li jistgħu jitilfu l-benefiċċju tal-proċedura ta' approvazzjoni.

5.3.5

Il-Kumitat iqis li l-uniformizzazzjoni ta' dawn il-proċeduri hija fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur kontra r-riskju tal-esklużjoni soċjali, bil-kundizzjoni li jkunu rapidi, sempliċi u mingħajr ħlas għad-debituri li fil-prinċipju jinsabu f'sitwazzjoni delikata.

5.3.6

Barra minn hekk, is-sospensjoni għandha tiġi ddikjarata mill-bidu tal-proċedura sabiex jiġi evitat li l-kredituri jeżerċitaw pressjoni.

5.3.7

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi prevista fażi ta' verifika tad-dejn b'mod li jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet differenti.

5.3.8

Jinnota li f'ċerti pajjiżi l-akkomodazzjoni prinċipali tiġi trattata apparti sabiex tiġi evitata l-espulsjoni tal-familji minn djarhom. Jilqa' u jikkunsidra li dan għandu jkun il-każ b'mod sistematiku sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tal-familji, li għandu jkun l-objettiv kruċjali fl-interess tas-soċjetà.

5.3.9

Jirrakkomanda li tiġi prevista t-tneħħija parzjali jew totali għas-sitwazzjonijiet l-aktar onerużi, sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-esklużjoni soċjali.

5.3.10

Il-Kumitat jikkunsidra li r-rikors għal proċedura tal-indirizzar tal-insolvenza m'għandux iwassal għall-esklużjoni tas-servizzi bankarji peress li huma indispensabbli għall-ħajja ekonomika u soċjali.

5.3.11

Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li għandhom jitqiegħdu mezzi għad-dispożizzjoni għall-funzjonament tal-mekkaniżmi sabiex is-sitwazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod personalizzat. F'dan ir-rigward, jidhirlu li hemm bżonn li jiġu previsti sistemi ta' akkumpanjament għall-persuni li jħossu l-bżonn.

6.   L-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-kontribut għall-konsolidazzjoni tas-suq uniku

6.1

Il-KESE jqis li biex jinkiseb dan il-għan għandha tiġi stabbilita proċedura uniformi bbażata wkoll fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Artikolu 114 tat-TFUE u saħansitra l-Artikolu 81 tat-TFUE, fl-Istati Membri kollha skont il-prinċipji ġenerali proposti mill-Kummissjoni fil-Green Paper dwar il-linji ta' riflessjoni li jmiss għal suq intern aktar magħqud.

6.2

Il-KESE jenfasizza li ċerti linji suġġeriti diġà huma fis-seħħ f'ċerti Stati Membri u li huwa ta' benefiċċju jekk dawn jiġu ġeneralizzati.

6.3   Dispożizzjonijiet għall-akkoljenza ta' dawk insolventi

6.3.1

L-għoti ta' pariri dwar is-servizzi finanzjarji u ta' konsum, l-obbligu ta' għoti ta' pariri tal-istabbilimenti bankarji u ta' kreditu, kif ukoll l-għajnuna fil-ġestjoni tal-baġit sikwit ikunu insuffiċjenti jew inadatti għall-persuni insolventi. L-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni f'diffikultà s-servizzi ta' għajnuna soċjali li jkunu jistgħu joffrulhom għajnuna u saħansitra għajnuna legali bla ħlas minnufih jekk ikunu jixtiequha. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw jew jagħmlu uffiċjali r-rwol tal-għajnuna legali li jaqdu l-assoċjazzjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumatur.

6.3.2

Tista' tiġi prevista għajnuna soċjali għas-sitwazzjonijiet l-aktar kritiċi ta' insolvenza sabiex jiġu koperti l-konsum tal-elettriku u tal-gass, l-akkomodazzjoni, l-ikel, il-pagamenti parzjali jew totali tad-dejn lill-kredituri.

6.3.3

Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li janalizza b'mod konkret is-sitwazzjoni tal-persuni, jivverifika l-legalità tal-ammonti li huma mitluba mingħandhom, jipprova jinnegozja mal-kredituri biex jinkiseb pjan ta' approvazzjoni jew iħejji soluzzjonijiet oħra bħal pereżempju proċedura legali, jinformahom dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

7.   Osservatorju Ewropew dwar l-insolvenza

7.1

Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta' osservatorju Ewropew għall-insolvenza mingħajr spejjeż baġitarji addizzjonali. Dan il-mekkaniżmu jista' jkun ibbażat fuq is-sistemi nazzjonali eżistenti u għandu jippermetti li jittaffa n-nuqqas attwali ta' statistika affidabbli, li ssir analiżi fil-fond tal-oriġini tal-insolvenza u tal-karatteristiċi tal-persuni kkonċernati, li jsir tqabbil tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri u tal-miżuri proposti bħala soluzzjoni u li titkejjel l-evoluzzjoni ta' dan il-fenomenu.

7.2

L-osservatorju jista' jiġi kkompletat f'netwerk ta' skambji, miftuħ għall-persuni kollha interessati u li fi ħdanu jista' jkun hemm djalogu dwar il-prattiki tajba.

7.3

Fil-fatt, il-ġlieda kontra l-insolvenza tal-konsumatur u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali jirrikjedu approċċ olisitiku. Ma nistgħux niġġieldu dan il-fenomenu b'mod effikaċi b'azzjonijiet iżolati u mhux ikkoordinati fil-livell Ewropew. Huwa indispensabbli li l-konsumaturi, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi jikkooperaw aktar sabiex jiġu stabbiliti metodi aktar kreattivi u effikaċi.

7.4

Jista' jkun hemm dipartimenti dwar it-temi li ġejjin: il-ġbir tad-data, l-oqfsa legali eżistenti u azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u ta' edukazzjoni.

7.5

Il-membri tal-osservatorju jistgħu jiġu mis-settur pubbliku u privat. Is-settur privat jista' jkun irrappreżentat mill-membri tal-assoċjazzjonijiet professjonali u tal-konsumaturi nazzjonali u Ewropej, li jkunu ġejjin minn diversi setturi ekonomiċi u diversi żoni ġeografiċi, u jkunu impenjati fil-ġlieda kontra l-insolvenza. Dawn jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tad-dipartimenti tal-osservatorju, eventwalment fil-qafas tal-gruppi ta' ħidma speċjalizzati.

7.6

Is-settur pubbliku jista' jkun irrappreżentat minn esperti nazzjonali maħtura mill-Istati Membri li jkunu stabbilixxew rabtiet mas-settur privat u jkollhom esperjenza fil-qasam tal-insolvenza u tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Ir-rappreżentanti nazzjonali għandu jkollhom ukoll esperjenza fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku ġenerali.

Brussell, 29 ta' April 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 83 final; Opinjoni tal-KESE “Pakkett ta' investiment soċjali”, relatur: is-Sur Röpke, (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91).

(2)  Bank Ċentrali Ewropew 2013. The Eurosystem Household Finance and Consumption Survey. Results from the first wave, Statistics Paper Series, April 2013, p. 57-71 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Eurofound 2013, Household over-indebtedness in the EU: The role of informal debts, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, Lussemburgu (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Nota ta' sinteżi tas-Senat: “Le traitement du surendettement”. Service des affaires européennes. April 1998.

(5)  Eurofound 2013, op. cit.

(6)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Aċċess għall-kreditu għall-konsumaturi u l-familji: fenomeni abbużivi”, relatur: is-Sur Campli, (ĠU C 18, 19.1.2011, p. 24).

(7)  Expansion.com avec AFP, ippubblikat fit-22.3.2013.

(8)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja”, relatur: is-Sur Pegado Liz, (ĠU C 44, 16.2.2008, p 74).

(9)  Towards a common operational European definition of over-indebtedness, studju li sar mill-Osservajtorju Ewropew tat-Tfaddil, iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej u l-Personal Finance Research Centre tal-Università ta' Bristol għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs.

(10)  Il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit, l-Isvezja u n-Norveġja.

(11)  L-insolvenza tal-familji Ewropej: l-immappjar aġġornat tas-sitwazzjoni, in-natura u l-kawżi, l-effetti u l-inizjattivi biex jittaffa l-impatt tagħha. Civic Consulting of the Consumer Policy Evaluation Consortium (CPEC), 17.01.2013.

(12)  Rakkomandazzjoni Rec(2007)8 tal-Kunsill tal-Ministri għall-Istati Membri dwar soluzzjonijiet għall-problemi tal-insolvenza. Kunsill tal-Ewropa, 20.06.2007.

(13)  Din id-definizzjoni hija derivata mill-metodoloġija tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet ESA 95.

(14)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji”, relatur: is-Sur Trias Pinto (ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24).

(15)  Dawn it-temi huma inklużi fid-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur, (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(16)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE msemmija hawn fuq.

(17)  ĠU L 133 du 22.5.2008, p. 66.

(18)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(19)  Il-każ ta' reklamar ta' “kreditu bla ħlas”, “anke jekk f'tilwim” jew “anke jekk diġà elenkat fil-lista tal-bank nazzjonali” jew li jħeġġeġ b'mod abbużiv ir-“raggruppament” ta' kreditu preċedenti jew li jinsisti fuq il-faċilità jew il-veloċità li biha jista' jingħata kreditu.

(20)  Artikolu L313-3 tal-Kodiċi tal-Konsum. Fi Franza, l-użura hija reat punibbli b'sentejn il-ħabs u multa ta' EUR 45  000 jew waħda minn dawn il-pieni biss. Barra minn hekk, id-dħul eċċessiv għandu jiġi allokat għall-kapital tad-dejn. Jekk dan il-kapital sadattant ikun ġie rimborżat min ikun qed isellef għandu jagħti lura l-ammonti li nġabru għalxejn, bl-interessi. Teżisti rata tal-użura għal kull kategorija ta' finanzjament. Kull tliet xhur ir-rata tal-użura tiġi stabbilita mill-Bank ta' Franza mbagħad tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(21)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proċeduri ta' falliment”, relatur: is-Sur Freire, (ĠU C 271, 19.9.2013, p. 55).

(22)  Din hija integrata fil-proċedura proprja u ssegwi d-deċiżjoni legali ta' ammissjoni għal din il-proċedura (Franza, il-Belġju) jew tikkostitwixxi preambolu obbligatorju mingħajr ma tagħmel parti minnha (il-Pajjiżi l-Baxxi).

(23)  Xi kultant, din il-funzjoni ta' qafas ma tkunx prevista, iżda parti mill-kompiti elenkati hawn fuq titwettaq minn amministrazzjoni (Kummissjoni dipartimentali fi Franza).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-498 sessjoni plenarja tal-KESE tad-29 u t-30 ta' April 2014

12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew”

COM(2014) 14 final

2014/C 311/07

Relatur: is-Sinjura Sirkeinen

Nhar it-28 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew

COM(2014) 14 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Marzu 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, vot wieħed (1) kontra u żewġ astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni dwar ir-rinaxximent industrijali u jikkonkludi li:

l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-industriji Ewropej mhux qed jonqsu, u mingħajr bażi industrijali kompetittiva l-Ewropa mhux se tikseb tkabbir u aktar impjiegi;

sett ta' proposti aktar b'saħħithom għall-politika industrijali tal-UE huwa meħtieġ biex l-intrapriżi jiġu konvinti jinvestu fir-reġjun;

ekonomija ekoloġika u inklużiva ser tkun waħda mill-isfida prinċipali tas-snin li ġejjin;

ir-rwol prinċipali għall-UE fil-politika industrijali huwa li jiġu inklużi oqsma ta' politika u jiġu disseminati l-aqwa prattiki kif xieraq;

ir-rwol prinċipali għall-Istati Membri huwa li jkun żgurat li l-infrastrutturi tal-għarfien, l-informazzjoni, it-trasport u l-enerġija jiffunzjonaw tajjeb u b'mod effiċjenti għal kulħadd;

il-komunikazzjoni tiżvela xogħol mhux lest u tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri;

il-Kummissjoni qed tibgħat messaġġ importanti dwar l-importanza tal-integrazzjoni tal-industriji Ewropej fil-ktajjen tal-valur internazzjonali.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-fehmiet u l-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni jiġu appoġġjati u implimentati malajr mill-partijiet rilevanti.

1.3

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li:

il-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija mill-PDG sal-2020 għandha tkun ikkumplimentata b'aspetti kwalitattivi, b'mod partikolari bil-għan li tinqabad prestazzjoni ta' valur miżjud fil-livell internazzjonali;

l-għan ta' approċċ aktar ekoloġiku mill-industriji Ewropej għandu jkun akkumpanjat minn sforz qawwi lejn teknoloġija aktar ġdida u setturi industrijali u tas-servizzi bbażati fuq l-għarfien b'valur ogħla miżjud, u kompetittivi;

għan ewlieni tal-politika industrijali Ewropea għandu jkun li ttejjeb il-possibbiltajiet tal-kumpaniji Ewropej biex jiksbu pożizzjonijiet ewlenin f'netwerks ta' valur internazzjonali u jimmassimizzaw l-qbid tal-valur għall-Ewropa;

ir-rwol tas-servizzi għandu jingħata aktar attenzjoni u għandhom jiġu żviluppati politiki korrispondenti, b'mod partikolari s-servizzi bbażati għalihom infushom u minħabba l-potenzjal tagħhom bħala muturi ewlenin tal-produttività fis-setturi kollha tan-negozju;

sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni b'saħħitha li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni tal-UE u l-politiki tal-għajnuna statali għandhom jgħinu lin-negozji sabiex javvanzaw l-għanijiet ta' tkabbir tal-UE, b'mod partikolari l-allokazzjoni mill-ġdid tal-impjiegi, mingħajr l-ebda tgħawwiġ ta' kompetizzjoni, u għandhom jinkisbu kundizzjonijiet indaqs fid-dinja kollha;

l-atturi kollha, inklużi l-impjegati u min iħaddem, għandhom ikunu involuti fil-ħolqien ta' ambjent favorevoli u prevedibbli għall-industrija, b'inizjattivi bbażati fir-reġjuni;

l-istrutturi ta' governanza għal politiki mikroekonomiċi tal-UE għandhom jissaħħu, fejn il-Kunsill Ewropew jassumi tmexxija ċara, il-Kunsill tal-Kompetittività jissuġġetta d-deċiżjonijiet tal-formazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill għal skrutinju reali fir-rigward tal-kompetittività, u l-Kummissjoni torganizza l-inklużjoni effettiva tal-proposti ta' politika;

il-finanzjament tal-UE għall-innovazzjoni għandu jkun konsistentement direzzjonat fis-sitt oqsma trasversali li ġew identifikati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu t-teknoloġiji l-ġodda ta' sfida bħal data kbira, ir-robotika u l-istampar 3D; u

għandha tittieħed kull miżura raġonevoli biex innaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija Ewropej.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-kriżi ekonomika wriet l-importanza tal-industrija għall-istabbiltà ekonomika, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-prestazzjoni internazzjonali tal-ekonomiji Ewropej. L-industrija tammonta għal aktar minn 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa u 80 % tar-riċerka u l-innovazzjoni privata. Madwar 15 % tal-impjiegi fl-UE huma fl-industrija; barra minn hekk, kull impjieg industrijali joħloq sa 1,5 – 2 impjiegi f'setturi oħra. Barra minn hekk, illum l-impjiegi industrijali huma impjiegi ta' kwalità għolja u l-pagi huma ogħla mill-medja. L-industrija mhijiex għan fih innifsu, iżda mezz ta' impjieg u taż-żamma tal-istandards tajbin ta' għajxien.

2.2

L-industrija tal-UE għadha tiġġenera eċċess kbir fil-kummerċ globali ta' prodotti manifatturati u hija mexxejja dinjija fis-sostenibbiltà. Madankollu, kif jidher fir-rapport dwar il-Kompetittività Ewropea tal-2013, is-sehem tal-industrija Ewropea tal-produzzjoni tal-manifattura globali dejjem kien qed jonqos matul dawn l-aħħar għaxar snin. Id-distakk fil-produttività meta mqabbel mal-Istati Uniti reġa' kiber. Wara xi rkupru fil-perjodu tal-2009-11, is-sehem tal-industrija tal-PDG tal-UE reġa' mar lura għal 15,1 %, anqas sew mill-mira ta' 20 % sal-2020. Mill-2008 intilfu 3,5 miljun impjieg. Madankollu, is-sitwazzjon tvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor.

2.3

Il-politika industrijali hija, fil-fatt, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE ħareġ opinjonijiet dwar il-proposti ewlenin tal-Kummissjoni fl-2010 u 2012  (1) u fassal diversi opinjonijiet oħra dwar l-aspetti differenti tal-politika industrijali, inkluż analiżi settorjali bħala parti mill-ħidma tas-CCMI (il-Kumissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali tal-KESE) (2), attwalment dwar ir-rilokazzjoni industrijali u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Din l-opinjoni tibni fuq dawk l-opinjonijiet preċedenti u tikkumplimentahom.

2.4

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għall-politika industrijali bħala kontribut għad-dibattitu tal-Kunsill Ewropew dwar il-politika industrijali, skedat għal Marzu 2014. Hija tipprovdi ħarsa ġenerali tal-azzjoni diġà meħuda u tressaq xi miżuri ġodda biex titħaffef il-kisba ta' dawn il-prijoritajiet. Dan juri li l-politika industrijali u politiki oħra tal-UE qed isiru dejjem aktar integrati, u jindika għaliex dan il-proċess ta' integrazzjoni għandu jkompli.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, billi waslet dritt bi sfond ta' kriżi ekonomika u tħassib dejjem jiżdied dwar il-kompetittività tal-industriji Ewropej. L-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija mhux qed ibattu – anzi bil-maqlub. L-ambjent kummerċjali globali qed jinbidel kontinwament, u b'pass dejjem aktar mgħaġġel tant li jeħtieġ li l-kumpaniji tagħna jkunu kapaċi jirreaġixxu għalih. Mingħajr industrija kompetittiva, l-Ewropa mhux ser tkun kapaċi tiżgura iżjed tkabbir u aktar impjiegi. Ukoll, approċċ li jiddependi fuq disinn u funzjonijiet tal-inġinerija biss, mingħajr produzzjoni u kuntatti mal-klijent aħħari, mhuwiex mistenni li jkun ta' suċċess fit-tul.

3.2

Fid-dawl tal-qagħda serja, il-KESE kien jistenna sett aktar b'saħħtu ta' proposti għall-politika industrijali tal-UE b'viżjoni ċara u miżuri urġenti. Jinħtieġu messaġġi ċari sabiex l-intrapriżi jiġu konvinti li l-Ewropa ser tkun reġjun attraenti għal investimenti ġodda fil-futur. Il-komunikazzjoni issa tkopri ftit karatteristiċi ġodda meta mqabbla mal-komunikazzjonijiet tal-2010 u l-2012. Hija prinċipalment rendikont ta' azzjoni tal-passat u dik ippjanata fl-oqsma prijoritarji ewlenin tal-politika industrijali, kif stabbilit hawn fuq. Dan jiżvela xogħol mhux lest u tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri.

3.3

Il-KESE jappoġġja l-konklużjonijiet tal-komunikazzjoni, inkluża l-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG, għalkemm trid tikkwalifika l-appoġġ tagħha għal dan: il-mira ta' 20 % hija purament kwantitattiva, filwaqt li tkun aktar konformi mal-aspirazzjonijiet tal-UE għal kompetittività soċjalment u ambjentalment sostenibbli biex iżżid aspetti kwalitattivi. Il-mira ta' 20 % għandha tkun akkumpanjata minn miri oħra, li dwarhom il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar, b'mod partikolari dawk li jirriflettu kwistjonijiet li ser jipprovdu valur miżjud f'kuntest internazzjonali.

3.4

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-messaġġ ċar tal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-integrazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fil-ktajjen tal-valur internazzjonali. Fir-realtà, in-natura speċjalizzata ħafna, u kumplessa u dinamika ħafna tal-attivitajiet industrijali llum tista' tiġi deskritta aħjar bħala netwerks ta' valur. Il-kumpaniji qed jikkompetu globalment għal pożizzjonijiet ewlenin f'dawn in-netwerks. L-għan tal-politika industrijali Ewropea għandu jkun li ttejjeb il-possibbiltajiet tal-kumpaniji Ewropej biex jiksbu dawn il-pożizzjonijiet ewlenin u jimmassimizzaw il-qbid tal-valur għall-Ewropa. Għandhom jitfasslu politiki u miri kif xieraq.

3.5

Fil-fehma tal-KESE, l-ekonomija ekoloġika u inklużiva ser tkun l-isfida prinċipali fis-snin li ġejjin. Approċċ aktar ekoloġiku mill-industriji Ewropej huwa meħtieġ bħala prijorità sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti sal-2050 permezz ta' politika industrijali mġedda. Madankollu, dak li teħtieġ l-Ewropa biex tikseb dan huwa pass lejn setturi industrijali u tas-servizzi bbażati aktar fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li għandhom valur miżjud ogħla, u li huma innovattivi, kompetittivi u sostenibbli u, jekk l-għan tal-Ewropa huwa li tiggarantixxi t-tkabbir industrijali u l-ħolqien tal-impjiegi, dawn għandhom ikunu ffinanzjati minn pjan ambizzjuż ta' investiment.

3.6

L-indirizzar u l-ksib tal-bżonnijiet li m'humiex imħarsa fis-soċjetà kif ukoll il-kompetizzjoni jagħtu spinta lill-innovazzjoni, u l-kumpaniji kollha fis-suq intern, irrispettivament mill-mudell tan-negozju, għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jikkompetu. Fil-fehma tal-KESE, għandha tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fl-għoti ta' għajnuna mill-istat. Waħda mill-għanijiet tal-politika tal-għajnuna mill-istati għandha tkun li jsir provvediment għall-għoti ta' għajnuna prekompetittivà għan-negozji li jistgħu javvanzaw l-għanijiet ta' tkabbir tal-UE filwaqt li jillimitaw it-tgħawwiġ ta' kompetizzjoni. Jekk, u meta, tiġi pprovduta l-għajnuna mill-istat, din għandha tiġi ddirezzjonata biex tgħin lill-kumpaniji jiżviluppaw u jadattaw, u mhux biex tappoġġja attivitajiet mhux kompetittivi b'mod permanenti. Jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali fis-swieq globali, b'mod partikolari għall-industriji li huma intensivi fl-enerġija.

3.7

Ir-rwol tas-servizzi jistħoqqlu aktar attenzjoni. L-interdipendenza tas-servizzi u l-manifattura hija rikonoxxuta b'mod wiesa', peress li l-attivitajiet industrijali jinkludu numru dejjem jikber ta' elementi ta' forniment tas-servizz, u ħafna servizzi huma dipendenti fuq il-prestazzjoni industrijali. Madankollu, il-potenzjal ta' servizzi bbażati fuq l-għarfien u l-ICT bħala industriji li jesportaw fihom infushom, kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom fis-setturi kollha tan-negozju bħala muturi ewlenin tal-produttività, huwa enormi. Għandhom jiġu żviluppati politiki speċifiċi sabiex jgħinu biex jiġi żviluppat dan il-potenzjal.

3.8

Jeħtieġ li l-atturi kollha – l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-impjegati u min iħaddem u partijiet interessati oħra – ikunu involuti fil-ħidma kumplessa tal-ħolqien ta' ambjent aktar favorevoli għall-industrija. L-inizjattivi għandhom jinbnew fuq speċjalitajiet reġjonali li jikkumplimentaw lil xulxin u jinteraġixxu b'mod li jagħtu l-frott. Il-qafas politiku għandu jkun stabbli u prevedibbli, inkluża l-leġislazzjoni nazzjonali f'oqsma bħat-tassazzjoni.

3.9

Il-KESE jitlob għal strutturi ta' governanza aktar b'saħħithom għall-politiki mikroekonomiċi. Il-Kunsill Ewropew għandu jassumi tmexxija strateġika ċara f'dan ir-rigward. Ir-rwol tal-Kunsill tal-Kompetittività għandu jkun aktar b'saħħtu u għandu jissuġġetta d-deċiżjonijiet relatati mal-industrija minn formazzjonijiet oħra tal-Kunsill għal skrutinju reali fir-rigward tal-kompetittività. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-inklużjoni tal-ħidma tagħha permezz ta' soluzzjonijiet effettivi ta' ġestjoni. L-Istati Membri għandhom konsistentement jimplimentaw deċiżjonijiet konġunti, u l-kwistjonijiet ta' politika industrijali għandhom jiġu integrati b'mod sħiħ fis-Semestru Ewropew, inkluż il-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż.

4.   Kummenti speċifiċi għall-oqsma ta' politika

4.1   Suq uniku Ewropew integrat

4.1.1

Rwol ċentrali għall-gvernijiet huwa li jiżguraw il-provvista ta' netwerks ta' prima klassi tat-trasport, l-informazzjoni u l-enerġija għal kulħadd , u l-aċċess għalihom, li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet li qed jiżviluppaw tas-soċjetà, inklużi n-negozji. Karatteristiċi f'waqthom f'dan il-qasam, rikonoxxut mill-Kummissjoni, huma infrastrutturi marbuta mal-teknoloġija spazjali, il-konverġenza ta' netwerks tal-informazzjoni u l-enerġija, u għad-distribuzzjoni ta' karburanti alternattivi.

4.1.2

Il-fruntieri fi ħdan l-UE m'għandhom jagħmlu l-ebda differenza għall-ħidma tal-infrastrutturi u l-aċċess għalihom. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli regolatorji, amministrattivi u tekniċi li fadal. L-UE u s-sorsi finanzjarji nazzjonali għandhom jiddaħħlu f'investimenti neċessarji f'dan il-qasam, li jimmobilizzaw massimu ta' finanzjament privat.

4.1.3

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li b'mod urġenti, jeħtieġ li l-proposti leġislattivi pendenti tas-suq intern jiġu adottati. L-Istati Membri għadhom mhumiex jimplimentaw u jinfurzaw il-qafas leġislattiv kif suppost, u b'hekk qed jisfidaw lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ulterjuri ġustifikabbli minħabba nuqqas ta' konformità.

4.2   Ninvestu fl-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda

4.2.1

Fl-opinjonijiet preċedenti dwar il-politika industrijali, il-KESE ta l-fehmiet tiegħu dwar l-inizjattivi tal-UE għall-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, prinċipalment billi esprima l-appoġġ sod tiegħu għalihom u enfasizza l-ħtieġa għal finanzjament suffiċjenti tal-UE, l-Istati Membri u dak privat.

4.2.2

Il-KESE, b'mod partikolari, appoġġja l-għażla tal-Kummissjoni u l-azzjoni fuq is-sitt oqsma strateġiċi u trasversali fil-manifattura avvanzata: teknoloġiji abilitanti essenzjali, prodotti b'bażi bijoloġika, vetturi u bastimenti nodfa, il-kostruzzjoni u l-materja prima sostenibbli, grilji intelliġenti u l-infrastruttura diġitali. It-teknoloġiji l-ġodda b'potenzjal kbir li jeħtieġu attenzjoni jinkludu r-robotika, data kbira, l-istampar 3D, l-internet industrijali u d-disinn industrijali. Ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, bħall-Orizzont 2020 u l-finanzjament reġjonali, għandhom ikunu konsistentement indirizzati lejn l-innovazzjoni f'dawn l-oqsma. Il-KESE jappella wkoll għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni għall-manifattura b'valur miżjud.

4.2.3

Il-perjodu ta' żmien involut biex l-innovazzjoni titwassal fis-suq għall-użu huwa tal-akbar importanza għall-kompetittività industrijali. It-tisħiħ tal-faċilità tal-kapital ta' riskju u l-kapaċitajiet l-oħra tal-qsim tar-riskju tal-BEI, kif ukoll l-użu innovattiv ta' fondi strutturali, huma eżempji ta' miżuri meħtieġa ħafna tal-UE biex jattiraw l-investiment privat fi proġetti ta' riċerka riskjużi.

4.3   L-aċċess għall-finanzjament

4.3.1

Minkejja li l-klima ekonomika qed titjieb, l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu bankarju għadu limitat, speċjalment għall-SMEs. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-UE f'dan il-qasam: il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, l-inizjativa ta' finanzjament għall-SMEs, ir-regolament dwar ir-rekwiżit ta' kapital, il-MiFID, id-direttiva dwar it-trasparenza riveduta, u l-miżuri li jsaħħu s-suq pan-Ewropew tal-kapital ta' riskju.

4.3.2

Sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' self tal-banek, l-UE għandha tilħaq bilanċ tajjeb bejn iż-żieda fl-istabbiltà finanzjarja u l-appoġġ għall-ħtieġa tal-kumpaniji għall-finanzi. Barra minn hekk, il-miżuri regolatorji mmirati lejn is-settur finanzjarju m'għandhomx jimpedixxu s-self privat.

4.3.3

L-SMEs fl-UE huma aktar dipendenti fuq il-finanzjament bankarju minn postijiet oħra. L-isforzi kemm fuq livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali għandhom ikabbru d-diversifikazzjoni tal-finanzjament korporattiv għal sorsi oħra, bħal fondi ta' ekwità, kapital ta' riskju u l-garanziji korporattivi, kif ukoll metodi ta' finanzjament ibrida. Irid jiġi żviluppat pjan b'approċċ lejn il-finanzjament li jqis iċ-ċiklu tal-ħajja, u jiġu identifikati strumenti innovattivi.

4.4   Enerġija

4.4.1

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-prezzijiet tal-enerġija għall-kompetittività industrijali. Il-prezzijiet tal-enerġija Ewropej għall-industrija huma ħafna ogħla minn dawk tal-kompetituri ewlenin tagħha: il-prezzijiet tal-elettriku huma darbtejn ogħla minn dawk fl-Istati Uniti u r-Russja u 20 % ogħla milli fiċ-Ċina. Il-prezzijiet tal-gass huma tlieta jew erba' darbiet dawk fl-Istati Uniti, ir-Russja u l-Indja u 12 % ogħla milli fiċ-Ċina.

4.4.2

Id-distakk fil-prezz tal-enerġija bejn l-UE u l-kompetituri tagħha jirriżulta parzjalment minn fatturi li ma jistgħux jiġu mibdula minn azzjoni ta' politika fl-UE. Madankollu, għandha tittieħed kull miżura raġonevoli biex inċekknu d-distakk, b'mod partikolari bil-ħsieb li nerġgħu nistabbilixxu s-setturi u l-impjiegi ta' produzzjoni intensivi fl-enerġija fl-Ewropa. L-industriji tal-UE s'issa rnexxielhom jikkumpensaw parzjalment għaż-żidiet fl-ispejjeż tal-enerġija billi tejbu l-effiċjenza, iżda l-potenzjal għal dan qed jonqos.

4.4.3

Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija kruċjali għall-industriji kollha. Fil-preżent qed niġu mfakkra b'mod serju dwar il-ħtieġa li nnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija minn sorsi mhux stabbli u mhux ta' min niddependu fuqhom. Taħlita ta' enerġija diversifikata, kif ġie deċiż mill-Istati Membri li qed jaġixxu f'kooperazzjoni u b'konformità mal-impenji ambjentali, hija kwistjoni ta' interess komuni qawwi għall-UE.

4.4.4

Xi miżuri ta' politika tal-enerġija, b'mod partikolari biex jiżdied l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, kellhom l-għan addizzjonali li joħolqu impjiegi ġodda. Skont l-informazzjoni disponibbli s'issa, dan ma jidhirx li mmaterjalizza: studji eżistenti prinċipalment juru li kien hemm impatt żgħir pożittiv jew newtrali fuq l-impjiegi, filwaqt li l-istrutturi tax-xogħol qegħdin jinbidlu drastikament.

4.5   Materja prima u effiċjenza fir-riżorsi

4.5.1

Il-KESE jappoġġja l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-diplomazija tal-materja prima u l-pjani tagħha sabiex telimina d-distorsjonijiet tal-prezzijiet fuq il-kontributi għall-industrija.

4.5.2

L-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-materja prima fi ħdan l-UE għandhom jiżdiedu u għandu jiġi armonizzat ir-regolament rilevanti. Fir-rigward tal-inizjattivi leġislattivi dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u l-iskart, dawn għandhom jitfasslu bir-reqqa sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati filwaqt li jiġu evitati piżijiet ta' spejjeż mhux meħtieġa (fi żmien qasir) għall-kumpaniji. In-newtralità politika fl-aċċess għall-bijomassa hija meħtieġa għall-applikazzjoni effiċjenti tal-prinċipju kaskata fl-użu tal-bijomassa.

4.6   Titjib tal-ħiliet u faċilitazzjoni tal-bidla industrijali

4.6.1

Ħames miljun żagħżugħ jinsabu bla xogħol fl-Ewropa llum, filwaqt li għandna żewġ miljun post vakanti fis-suq tax-xogħol. In-nuqqas tat-tqabbil tal-ħiliet u l-kwistjonijiet ta' taħriġ qegħdin fil-quċċata tal-aġenda politika industrijali.

4.6.2

Għandu jingħata spinta lin-numru u l-kwalità tal-gradwati fil-livelli kollha tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u għandu jiġi mħeġġeġ bil-qawwa l-aċċess tan-nisa ta' kull età għal dawn is-setturi u l-professjonijiet.

4.6.3

L-apprendistati u, pereżempju, is-sistemi ta' tagħlim doppju jikkontribwixxu b'mod ċar għall-profili tal-ħiliet marbuta mal-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li jiġu esplorati l-aħjar prattiki mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, u li jiġu applikati wkoll, inklużi l-mudelli effiċjenti għal apprendistati transkonfinali.

4.6.4

L-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jistgħu jġibu progress lill-industrija fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet biss jekk dawn jistabbilixxu politiki mmirati biex itejbu l-għarfien tal-ħaddiema u jiġi żviluppat tagħlim tul il-ħajja bil-ħsieb li jiġu premjati għall-investiment tagħhom. Ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma essenzjali għall-involviment tal-ħaddiem. Djalogu soċjali msaħħaħ għandu jkollu rwol essenzjali fir-rinaxximent industrijali Ewropew.

4.7   SMEs u intraprenditorija

4.7.1

Il-KESE jkompli jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-UE biex ittejjeb l-SMEs, inklużi l-għexieren ta' mudelli ta' negozju, sabiex twettaq il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar irid jiġi mhux biss aġġornat iżda mġedded u estiż biex jindirizza l-ostakli li fadal għall-iżvilupp u t-tkabbir. Dawn ir-riformi għandhom ikunu marbuta mas-Semestru Ewropew.

4.7.2

Il-mistoqsija profonda u wiesgħa li tiswa “biljun euro” hija, fil-fatt, kif se nibdlu l-mentalità Ewropea u niggwidawha biex nagħtu valur lill-intraprenditorija u t-teħid tar-riskji.

4.7.3

Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li l-miżuri biex jitnaqqsu l-ispejjeż regolatorji u amministrattivi, b'mod partikolari l-programm REFIT, kif ukoll biex jiġu eliminati ostakli għat-tkabbir tan-negozji ma jittiħdux bi ħsara għar-regolamenti li jipproteġu l-konsumatur, l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tagħhom, u għandhom jirrispettaw ukoll il-ftehimiet konklużi fil-qafas tad-djalogu soċjali.

4.7.4

In-netwerks u r-raggruppamenti ta' kooperazzjoni jistgħu joffru l-mezzi għall-SMEs biex jikbru, kif uriet il-Kummissjoni. L-approċċ għandu jkopri s-setturi kollha, id-daqsijiet kollha ta' negozji, u madwar l-Ewropa kollha kif ukoll il-ktajjen ta' valur internazzjonali.

4.8   L-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji tal-UE

4.8.1

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura aċċess għas-swieq internazzjonali ewlenin għall-kumpaniji tal-UE. Għandu jkun hemm b'mod konsistenti aġenda ambizzjuża tal-FTA u negozjati oħra ta' kummerċ, fi spirtu ta' reċiproċità, b'mod partikolari mal-akbar imsieħeb kummerċjali tal-UE, l-Istati Uniti, u bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

4.8.2

Għandhom jintużaw strumenti bilaterali u multilaterali biex jiġi żgurat li l-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE jinfurzaw l-impenji internazzjonali tagħhom.

4.8.3

L-istandards industrijali f'reġjuni ekonomiċi differenti jvarjaw ħafna, u joħolqu ostakli għall-kummerċ u b'mod aktar ġenerali jimpedixxu li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali. Bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-esiġenzi essenzjali tas-saħħa, is-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur previsti fl-Artikolu 114 tat-TFUE, il-KESE jappoġġja l-promozzjoni ta' standards internazzjonali u kooperazzjoni regolatorja, kif ukoll l-azzjoni, inkluża s-sorveljanza tas-suq, biex jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta' proprjetà industrijali tagħhom. Il-komunikazzjoni setgħet kienet aktar konkreta dwar il-miżuri f'dan ir-rigward.

Brussels, 29 ta' April 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 33, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 1, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125.

(2)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 45, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 54, ĠU C 327, 12.11.2013, p. 82.


APPENDIĊI

Għall- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja, li ġabret mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata matul id-dibattitu (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.5

Ibdel it-test kif ġej:

“3.5

Fil-fehma tal-KESE, l-ekonomija kompetittiva ekoloġika u inklużiva ser tkun l-isfida prinċipali fis-snin li ġejjin. Approċċ aktar ekoloġiku mill-industriji Ewropej huwa meħtieġ bħala prijorità sabiex ikun hemm tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u ekonomija li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti sal-2050 permezz ta' politika industrijali mġedda. Madankollu, dak li teħtieġ l-Ewropa biex tikseb dan huwa pass lejn setturi industrijali u tas-servizzi bbażati aktar fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li għandhom valur miżjud ogħla, u li huma innovattivi, kompetittivi u sostenibbli u, jekk l-għan tal-Ewropa huwa li tiggarantixxi t-tkabbir industrijali u l-ħolqien tal-impjiegi, dawn għandhom ikunu ffinanzjati minn pjan ambizzjuż ta' investiment. Dawn l-objettivi ambizzjużi jeħtieġu iktar u iktar kundizzjonijiet ta' qafas effettivi għal investimenti.

Raġuni

1)

Jekk l-ekonomija ma tkunx kompetittiva mhux ser tkun sostenibbli b'mod ambjentali jew b, mod ieħor. Sabiex l-ekonomija tiġġenera biżżejjed riżorsi biex issostni soċjetà prosperuża, inklużiva u ekoloġika, din teħtieġ li tkun kompetittiva globalment.

2)

Bidla fl-istil.

3)

It-tranżizzjoni tas-setturi produttivi tagħna lejn oqsma ta' valur aktar miżjud, eċċ., hija importanti mhux biss għal bidla aktar ekoloġika imma meħtieġa għas-salvagwardja ta' futur prosperuż għall-Ewropa anki fir-rigward ta' affarijiet oħra.

4)

Il-politika industrijali mhijiex, u m'għandhiex tkun, dwar pjani ta' investiment pubbliku. Minkflok, għandha tkun sett ta' miżuri li joħolqu ambjent ta' negozju li jattira l-investimenti privati fuq termini tas-suq. L-esperjenza, mhux l-inqas minn pajjiżi stess fis-sebgħajnijiet, turi li skemi kbar ta' investiment pubbliku u dawk fejn jintgħażel ir-rebbieħ (“pick-the-winner” schemes) għall-industrija għandhom tendenza jkunu għaljin għal min iħallas it-taxxa, mingħajr l-ebda benefiċċji fit-tul.

Votazzjoni

Favur

:

41

Kontra

:

81

Astensjonijiet

:

11


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq”

COM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD)

2014/C 311/08

Relatur Ġenerali: is-Sur Ranocchiari

Nhar is-6 ta' Frar 2014 u nhar is-18 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009, fir-rigward tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq

COM(2014) 28 final – 2014/0012 (COD).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-498a Sessjoni Plenarja tiegħu tad-29 u t-30 ta’ April 2014 (seduta tad-29 ta' April) li jaħtar lis-Sur Ranocchiari bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’150 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE minn dejjem kien favur il-miżuri kollha li, anke fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu, u b’mod aktar ġenerali biex tittejjeb il-kwalità tal-arja.

1.2

Madankollu, din il-proposta qajmet xi tħassib rigward il-mod ta' kif u meta irid jinkiseb it-tnaqqis kif speċifikat hawn taħt f'din l-Opinjoni.

1.3

B’mod partikolari, jinħass in-nuqqas u saħansitra, f’xi każijiet, il-lakuni ta’ valutazzjoni tal-impatt xierqa ta’ xi wħud mill-miżuri proposti; nuqqasijiet u lakuni manifestament inkonsistenti mal-prinċipju tar- “regolamentazzjoni intelliġenti”, kif sħaqna ripetutament għal dawn u kwistjonijiet oħra soċjali, ekonomiċi u ambjentali importanti.

1.4

Ir-rikors eċċessiv għall-użu tal-atti delegati iqajjem tħassib simili. Dawn, minħabba r-rilevanza tagħhom, ma jidhrux li huma “elementi mhux essenzjali” ta’ regolament, għalhekk eliġibbli biex jiġu inklużi fil-kategorija ta’ atti delegati.

1.5

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda:

li ma jintużawx atti delegati meta l-evidenza u l-istudji diġà mwettqa kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll min-NU/KEE (1) jippermettu l-applikazzjoni immedjata ta’ xi miżuri ppjanati (eż. żieda fil-massa għal ċerti vetturi ħfief kif ukoll l-esklużjoni tal-vetturi li jaħdmu bil-gass mill-kejl tal-ammonja).

li jsiru analiżijiet tal-impatt ċari u komprensivi għall-miżuri l-oħra kollha proposti li jidhru defiċjenti f’dan ir-rigward u li jidher li hemm ix-xewqa li jiġu żviluppati permezz tal-użu tal-atti delegati.

1.6

Fil-fehma tal-KESE, dan li ssuġġerixxa hawn fuq jippermetti lill-koleġiżlaturi valutazzjoni aktar informata, kompluta u trasparenti tal-proposta li tal-inqas bi tnaqqas, jekk mhux telimina għalkollox it-tħassib imsemmi hawn fuq.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta għandha l-għan li tagħmel serje ta' emendi għal żewġ Regolamenti fis-seħħ:

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6);

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI).

2.2

Il-Kummissjoni tistenna li din il-proposta tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa u, permezz ta' xi dispożizzjonijiet previsti, tissimplika l-leġislazzjoni attwali.

2.3

Fir-rigward tal-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief, l-iktar tibdil importanti huwa:

2.3.1

minbarra l-valutazzjoni attwali tal-emissjonijiet tas-CO2 għandha tiżdied ukoll dik tal-metan, u b'hekk tinkiseb data ġdida li hija l-ekwivalenti tal-massa totali tas-CO2; Din il-miżura tippermetti wkoll li jiġu riveduti l-limiti tal-emissjonijiet tal-idrokarburi totali (THC) li bħalissa jikkonsistu mill-emissjonijiet tal-metan (CH4) u ta' idrokarburi li ma fihomx metan (NMHC) bit-tneħħija tal-valutazzjoni speċifika tal-emissjonijiet tal-metan. Dan kollu għandu jħaffef l-introduzzjoni tal-vetturi bil-gass naturali fis-suq, minħabba li jekk dan ma jsirx, diffiċli li dawn jirrispettaw il-limiti tat-THC;

2.3.2

ir-reviżjoni tal-limiti għall-emissjonijiet tal-egżost f'temperatura ambjentali baxxa (Euro 6);

2.3.3

l-allokazzjoni ta' limitu separat għall-emissjonijiet tal-NO2 (dijossidu tan-nitroġenu) li s'issa kien inkluż fit-total tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx);

2.3.4

ir-reviżjoni tal-metodu tat-tkejjil tal-materja partikolata bl-introduzzjoni wkoll ta' limitu ġdid fuq l-għadd ta' partiċelli li hija magħmula minnhom;

2.3.5

ir-reviżjoni tar-rekwiżiti fir-rigward tal-aċċess illimitat għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs.

2.4

Għall-vetturi tqal l-iktar bidliet importanti jirrigwardaw:

2.4.1

id-definizzjoni mill-ġdid tal-limitu tal-massa massima għall-estensjoni tal-applikabbiltà tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief (Reg. 715/2007) ukoll għal dawk il-vetturi li skont il-varjanti ta' kostruzzjoni tagħhom jistgħu jaqgħu fl-ambitu ta' applikazzjoni tal-leġislazzjoni kemm dwar il-vetturi ħfief kif ukoll dawk tqal, biex jiġi evitat ir-rekwiżit ta' ċertifikazzjoni doppja fuq l-istess vettura; Dan jista' jkun possibbli billi jppermetti lill dawn il-vetturi li jilħqu t-toqol totali mal-art ta' 5  000 kg, mingħajr tnaqqis tal-livell ta' protezzjoni ambjentali;

2.4.2

il-limitu ta' emissjonijiet ta' ammonja (NH3) huwa impost fil-preżent fuq il-vetturi tqal kollha. Tabilħaqq ir-riskju ta' rilaxx ta' ammonja, (li tintuża fis-sistemi għall-kontroll tal-emissjonijiet) huwa preżenti fil-vetturi diżil li jużaw dawn is-sistemi. Dan ir-riskju ma jeżistix għall-magni li jaħdmu bil-petrol jew bil-gass naturali u l-Kummissjoni tipproponi l-liberazzjoni ta' dan il-limitu għall-karozzi tal-linja u l-vetturi heavy-duty li jaħdmu bil-gass naturali kkompressat (CNG), sikurament iktar ekoloġiċi, li inkella jkollhom jiffaċċjaw żieda mhix meħtieġa fl-ispejjeż.

2.5

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq il-Kummissjoni titlob li tadotta atti delegati biex teżerċitahom mingħajr limitu ta' żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1

Il-KESE ikollu jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-forma ta' din il-proposta, dwar il-modi ta' implimentazzjoni tagħha kif ukoll l-iskedar ta' dawn il-miżuri.

3.2

L-ewwel nett l-istruttura stess tar-Regolament li fih iddaħħlu varji emendi rigward vetturi ħfieħ u tqal f'att leġislattiv uniku, approċċ li ma jaqbilx mar-regoli tar-“regolamentazzjoni trasparenti u intelliġenti” li kien wieħed mill-impenji meħud mir-Regolament CARS 21 (2) li reġa' ġie sostnut f'CARS 2020, u l-ħidma fuqu għandha għaddejja (3).

3.3

Il-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument f'ħafna każi jidher li għandu nuqqasijiet jew anke lakuni f'uħud mill-miżuri proposti li kieku jkollhom effett importanti f'termini tal-prezz tal-vetturi.

3.4

Għal darba oħra, il-Kummissjoni talbet li tuża l-atti delegati (madwar għaxra) b'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE u għaldaqstant li tnaqqas il-kontenut konkret tal-att leġislattiv, jiġifieri r-Regolament.

3.4.1

Għandu jingħad ukoll f'dan ir-rigward li xi wħud mir-raġunijet tal-proposta li għalihom huwa stipulat l-użu ta' atti delegati huma relatati mal-emissjonijiet tal-vetturi u l-limiti tagħhom. Kwistjonijiet li dejjem ġew miftiehma mill-koleġislaturi propju minħabba r-relevanza tagħhom u huwa diffiċli li dawn jiġu kkunsidrati “elementi mhux essenzjali” ta' regolament u li għalhekk jistgħu jaqgħu fil-kategorija ta' atti delegati.

3.4.2

Fl-opinjonijiet tiegħu, il-KESE qajjem diversi drabi l-argument tar-rikors eċċessiv għall-atti delegati u ġabar fil-qosor xi aspetti problematiċi f'rapport reċenti (4), li, juri l-marġni ta' manuvra dejjem aktar wiesgħa tal-Kummissjoni, u jqajjem mistoqsijiet dwar it-trasparenza tas-sistema, l-użu korrett tal-proċeduri u l-effettività tal-mekkaniżmi ta' kontroll.

4.   Konsiderazzjonijiet speċifiċi

4.1

Dwar l-inklużjoni tal-metan (CH4) bħala ekwivalenti tas-CO2 (ara punt 2.3.1), il-KESE huwa dubjuż ħafna peress li dan ikun jirrikjedi reviżjoni tal-leġislazzjoni attwali dwar is-CO2 (ir-Regolament 443/2009 u r-Regolament 510/2011). L-għanijiet indikati f’dawn ir-Regolamenti ġew stabbiliti mingħajr ma tqiesu l-ekwivalenti tas-CO2 u l-introduzzjoni possibbli tiegħu tirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt għal reviżjoni xierqa tar-Regolamenti. L-inklużjoni tal-ekwivalenti tas-CO2 se jkollu konsegwenzi anke għall-konsumatur, kemm f’termini tar-reviżjoni tat-tassazzjoni fl-Istati Membri fejn it-taxxa hija bbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll għar-riskju li jħawdu lill-utenti li bħalissa huma mdorrija bit-tikkettar tal-emissjonijiet tas-CO2. Dan kollu għal bidliet marġinali mill-valuri tas-CO2 mkejla bħalissa (iż-żieda tkun inqas minn 1gr/km), u b’ħafna kumplikazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

4.2

Fir-rigward tal-limiti għall-emissjonijiet tal-egżost f'temperaturi ambjentali baxxi (punt 2.3.2) il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni possibbli tal-limiti tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt estensiva u bir-reqqa li tinkludi l-monossidu tal-karbonju (CO) u l-idrokarburi u mhux biss l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u d-dijossidu tan-nitroġenu (NO2).

4.3

Anki fil-każ tad-dijossidu tan-nitrogenu (punt 2.3.3), tniġġis ta' importanza partikolari speċjalment fiż-żoni urbani, id-deċiżjoni li jiġi stabbilit limitu speċifiku permezz ta' atti delegati għandha tkun sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa.

4.4

Rigward ir-reviżjoni tal-kejl tal-materja partikolata (punt 2.3.4), il-KESE jinnota li bl-introduzzjoni tal-limitu tal-għadd ta' partiċelli (ir-Regolament 692/2008), il-limitu tal-massa tal-materja partikolata tnaqqas minn 5,0 mg/km għal 4,5 mg/km propju biex jaqbel mal-għadd ta' partiċelli. Il-proposta tidher li mhix ġustifikata u hija f'kontradizzjoni ma' dak li reċentament ikkonferma l-Grupp ta' Ħidma tan-NU/KEE (5) (li l-Kummissjoni hija parti minnu), li m'hemmx bżonn li jiġu riveduti l-proċeduri għall-materja partikolata.

4.5

Dwar l-aċċess għall-informazzjoni (punt 2.3.5), il-KESE jfakkar li skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 715/2007, il-Kummissjoni kellha tfassal, sat-2 ta' Lulju 2011, rapport dwar dan is-suġġett, iżda fil-fatt dan għadu ma tfassalx. Huwa ovvju li kull deċiżjoni tista' tittieħed biss wara li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jkunu raw ir-rapport ikkonċernat.

4.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-flessibilità li qed tingħata f'termini ta' limiti ta' emissjonijiet għal ċerti vetturi ħfief li, ladarba jitlestew, hemm riskju li jidħlu fil-kategorija tat-tqal u għalhekk ikunu jeħtieġu approvazjoni doppja (punt 2.4.1). L-introduzzjoni tal-limitu ta' 5000 kg tal-partikolati PTT tal-vetturi jidher koerenti mal-limiti eżistenti ta' 2840 kg bħala massa ta' riferiment. Għaldaqstant ma jidhirx ġustifikat ir-rikors għall-atti delegati għall-aġġornamenti tal-proċedura tal-prova. Il-KESE jidhirlu li din il-proposta, diġà diskussa, għandha tidħol fis-seħħ dalwaqt, anke bħala norma tranżitorja, mingħajr rikors għall-proċedura tal-atti delegati. Dan minħabba li l-miżura se tapplika għal perjodu limitat, għax hija mistennija dalwaqt l-approvazzjoni tal-proċedura l-ġdida min-NU/KEE f'Ġinevra: Id-WLTP (World Light Duty Test Procedure) se tirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar għall-vetturi ħfief kollha u, skont il-Kummissjoni, se tibda tapplika mill-2017.

4.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fuq il-proposta li l-vetturi li jaħdmu bil-gass jiġu eżentati mill-kejl tal-ammonijaka (punt 2.4.2), billi din hija korrezzjoni ta' dispożizzjoni li tiddiskrimina l-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali (CNG). L-argument diġà kien tqajjem waqt id-diskussjoni tar-Regolament 595/2009 iżda dan kien injurat mingħajr raġuni fil-kitba tar-Regolament stess.

Brussell, 29 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  CARS 21, Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21, COM (2007) 22 final

(3)  CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa, COM (2012) 636 final.

(4)  Rapport ta' informazzjoni INT/656 tat-18/09/2013“Regolamentazzjoni aħjar: atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati”.

(5)  Il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa, li għandha l-uffiċċju prinċipali f'Ginevra, li fost il-ħidma tagħha, għandha l-kompitu li tallinja r-regolamenti tekniċi fil-livell globali bil-parteċipazzjoni tat-58 pajjiż firmatarju u tal-UE (WP 29).


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu”

COM(2014) 33 final

2014/C 311/09

Relatur uniku: is-Sur Gobiņš

Nhar is-7 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Li tindirizza l-konsegwenzi tat-tneħħija tad-drittijiet għall-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu

COM(2014) 33 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta’ April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’203 voti favur, 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Fehma tal-Kumitat

1.1

Iċ-ċittadini tal-UE huma l-idea ċentrali fl-Artikolu 10(3) tat-TUE li jgħid li: “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”. Hija ħaġa naturali li dan jinkludi wkoll id-dritt li wieħed jieħu sehem f'elezzjonijiet, li huwa parti essenzjali tad-demokrazija u dritt tal-bniedem fundamentali.

1.2

Wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE huwa d-dritt ta' moviment ħieles. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jgħixu u jaħdmu fi kwalunkwe mit-28 Stat Membru.

1.3

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li għandha l-istess valur legali tat-Trattati – tiddikjara fl-Artikoli 39 u 40 li ċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom ta' moviment ħieles għandhom id-dritt li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istat fejn huma residenti. Madankollu, il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali mhijiex inkluża fil-Karta.

1.4

B'kollox, 23 Stat Membru tal-UE jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jgħixu barra fi Stat Membru ieħor tal-UE biex jivvotaw fl-elezzjonijiet nazzjonali. Fi stħarriġ mhux uffiċjali li sar mill-ETTW (Europeans Throughout the World) għall-finijiet ta' din l-Opinjoni, l-organizzazzjonijiet ta' nies li jgħixu barra minn pajjiżhom fl-Ewropa semmew, fost affarijiet oħra, dawn ir-raġunijiet pożittivi għalfejn wieħed għandu jżomm id-dritt li jivvota:

Li wieħed jivvota fl-elezzjonijiet – sew jekk lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropej – huwa dritt demokratiku fundamentali, li jrid jiġi appoġġjat u mħares.

Sabiex l-elezzjonijiet nazzjonali jkunu tabilħaqq demokratiċi, għandu jissemma' leħen iċ-ċittadini kollha – inkluż il-leħen ta' dawk li ddeċidew li jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom.

Id-drittijiet tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet nazzjonali jippermettu lil dawk li jgħixu barra minn pajjiżhom biex iżommu rabtiet importanti miegħu u jkomplu jkunu “ċittadini responsabbli” u “Ewropej tajbin”.

Dawk il-persuni li huma definiti bħala persuni li jgħixu barra minn pajjiżhom huma “ambaxxaturi” ta' pajjiżhom u, barra minn hekk, ta' sikwit iridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta' deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu f'pajjiżhom.

Li wieħed jivvota barra minn pajjiżu fl-Ewropa huwa meqjus bħala r-realizzazzjoni tal-motto Ewropew “Magħquda fid-diversità”.

1.5

Ħames Stati Membri tal-UE – Ċipru, id-Danimarka, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit – iwaqqfu liċ-ċittadini tagħhom li jgħixu barra mill-pajjiż fi Stat Membru ieħor fl-UE milli jivvotaw fl-elezzjonijiet nazzjonali – jew immedjatament wara li jitilqu minn pajjiżhom jew wara ċertu perjodu ta' żmien. Mhuwiex ċar kemm-il ċittadin tal-UE ġie affettwat jew potenzjalment jiġi affettwat minn dan it-tip ta' “tneħħija tad-dritt tal-vot” iżda huwa stmat li madwar 3 miljun ċittadin tal-UE mill-ħames pajjiżi kkonċernati jgħixu barra minn pajjiżhom fl-UE (1).

1.6

Barra minn hekk, il-maġġoranza taċ-ċittadini li tneħħielhom id-dritt tal-vot bħala riżultat ta' dawn il-politiki ma jistgħux jieħdu sehem fl-elezzjonijiet nazzjonali fil-pajjiż fejn huma residenti (2). Dawn il-prattiki ħolqu elettorat mitluf – grupp ta' ċittadini mingħajr l-ebda dritt biex jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.

1.7

Wieħed mill-argumenti li jintuża ta' sikwit favur it-tneħħija tad-dritt tal-vot huwa li ċittadini li jgħixu barra jitilfu l-kuntatt ma' pajjiżhom. Dan forsi kien minnu fl-imgħoddi. Iżda issa, bis-saħħa tat-teknoloġija tat-telekomunikazzjoni moderna, huwa faċli għal ċittadini tal-UE li jgħixu barra li jżommu kuntatti mill-qrib ma' pajjiżhom. Jistgħu jsegwu l-ġrajjiet attwali f'pajjiżhom minn fuq it-televiżjoni, ir-radju u l-internet – u l-internet b'mod partikolari fis-sens li huwa għodda komuni ta' interazzjoni u parteċipazzjoni. Jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżhom malajr u bi ftit flus. U f'ħafna każi anke jħallsu t-taxxi f'pajjiżhom jew jieħdu pensjoni minnu. Il-post ta' residenza fiżika ma jistax jiġi ġustifikat bħala indikatur proporzjonat għat-telf tad-dritt tal-vot.

1.8

Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ħames Stati Membri kkonċernati biex jippermettu liċ-ċittadini tagħhom iżommu d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali jekk dawn iċ-ċittadini juru interess kontinwu fil-ħajja politika ta' pajjiżhom, perezempju permezz ta' applikazzjoni biex jibqgħu fir-reġistru elettorali. Il-Kumitat kien japprezza kieku ġiet inkluża talba ġenerali lill-Istati Membri kollha sabiex jiġi assigurat li l-votazzjoni tkun faċli għaċ-ċittadini li jgħixu barra daqs kemm hi għal dawk li jgħixu f'pajjiżhom.

1.9

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa din ir-rakkomandazzjoni li takkumpanja l-Komunikazzjoni li din l-Opinjoni tirrigwarda.

1.10

L-Artikolu 20 tat-TFUE jiddefinixxi ċ-ċittadinanza tal-UE bħala żieda maċ-ċittadinanza nazzjonali. Għaldaqstant, tidher stramba li xi ċittadini ma jgawdux minn dritt fundamentali wieħed – id-dritt tal-vot – meta jeżerċitaw dritt fundamentali ieħor – id-dritt tal-moviment. Mhijiex sorpriża li ħafna huma tal-fehma li dan imur kontra l-filosofija kollha taċ-ċittadinanza tal-UE.

1.11

Huwa ċar li r-regoli li jikkonċernaw id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali huma kompetenza nazzjonali u mhux Ewropea. L-UE ma tiftax, u m'għandhiex titfa', fid-dubju dan il-prinċipju importanti. Mil-lat taċ-ċittadini, madankollu, jeħtieġ li jsir progress fuq din il-kwistjoni. Iċ-ċittadini għandhom ikunu intitolati li jeżerċitaw dawk id-drittijiet fundamentali li l-Istati Membri kollha kienu firmatarji tagħhom fit-Trattati tal-UE mingħajr ma l-leġislazzjoni nazzjonali tneħħilhom id-dritt tal-vot talli jagħmlu dan.

1.12

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-ħames Stati Membri kkonċernati biex isibu modi kif ikunu iżjed flessibbli. Naturalment, is-soluzzjonijiet se jkunu differenti minn pajjiż għal ieħor. Il-punt kruċjali huwa li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom iżommu d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Il-Kumitat iħeġġeġ lil dawn l-Istati Membri biex jikkunsidraw il-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li, minflok jillimitaw id-dritt tal-vot abbażi ta' kundizzjoni ta' residenza, dawk li jgħixu barra mill-pajjiż għandu jkollhom l-opportunità li juru l-interess kontinwu tagħhom fil-ħajja politika tal-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Min-natura intrinsika tagħhom, Il-limiti ta' żmien għaż-żamma tad-dritt tal-vot aktarx se jkun arbitrarji.

1.13

Barra minn hekk, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza li dawk li jgħixu barra mill-pajjiż jingħataw informazzjoni ċara dwar id-drittijiet tagħhom u kif dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati.

1.14

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex il-proċeduri għar-reġistrazzjoni u l-votazzjoni jkunu kemm jista' jkun sempliċi u trasparenti.

1.15

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jenfasizza li t-tneħħija tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali hija biss eżempju wieħed ta' tgħawwir tad-drittijiet ta' ċittadinanza li ċ-ċittadini jesperjenzaw meta jgħixu barra minn pajjiżhom fi Stat Membru ieħor fl-UE. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħloq mappa ta' dawn il-każijiet kollha ta' tgħawwir sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali tal-qagħda attwali fl-Ewropa, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lill-opportunitajiet għal ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet minn jum għal jum.

2.   Informazzjoni ta' sfond addizzjonali

2.1

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tagħti ħarsa globali tajba lejn is-sitwazzjoni legali f'kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. Abbażi ta' informazzjoni mill-ETTW, il-Kumitat jixtieq, madankollu, iżid xi kummenti ma' dak li qalet il-Kummissjoni:

2.2

Ċipru: madwar 4 80  000 ċittadin ta' Ċipru jgħixu f'pajjiżi oħra tal-UE, il-biċċa l-kbira minnhom fir-Renju Unit. Minkejja dak li ntqal, dawn iċ-ċittadini setgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet nazzjonali tas-sena l-oħra. Fi kliem ieħor, jidher li hemm diskrepanza bejn is-sitwazzjoni legali u l-prattika reali.

2.3

Id-Danimarka: madwar 1 40  000 ċittadin tad-Danimarka jgħixu f'pajjiżi oħra tal-UE. Il-kostituzzjoni Daniża tgħid li ċittadin Daniż għandu d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Daniż jekk huwa resident permanenti fil-pajjiż. Madankollu, ġew introdotti għadd ta' eżenzjonijiet. Taħt ċerti ċirkostanzi, iċ-ċittadini jżommu d-dritt tal-vot għal 12-il sena jew f'xi każijiet għal iktar. Dawn l-eżenzjonijiet jixħtu fid-dubju l-argument kostituzzjonali dwar ċittadini Daniżi li jgħixu barra minn pajjiżhom li qed jesperjenzaw tneħħija kontinwa u “ġenerali” tad-dritt tal-vot.

2.4

L-Irlanda: hemm numru kbir ħafna ta' ċittadini Irlandiżi jgħixu barra minn pajjiżhom – skont stima uffiċjali reċenti, iċ-ċifra hija ta' madwar 3 miljun ruħ, u nofs miljun minnhom jgħixu fi Stati Membru ieħor tal-UE. Wieħed mill-argumenti kontra l-għoti tad-dritt tal-vot lil dawk li jgħixu barra mill-pajjiż huwa li jistgħu jsiru fattur dominanti fil-politika Irlandiża. Iżda żviluppi reċenti jindikaw li ċittadini Irlandiżi li jgħixu barra jistgħu jiksbu gradwalment id-dritt tal-vot. 78 % tad-delegati tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali li għaddejja bħalissa huma favur l-għoti tad-dritt tal-vot lil dawk li jgħixu barra mill-pajjiż fl-elezzjonijiet presidenzjali. F'liġi ta' riforma għas-Seanad (il-kamra ta' fuq tal-Parlament) ġie propost saħansitra li dawk li jgħixu barra mill-pajjiż għandu jkollhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għas-Seanad. Filwaqt li t-tweġiba tal-gvern għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali għadha pendenti, jidher li hemm riħ ta' bidla fir-rigward tal-kwistjoni tat-tneħħija tad-dritt tal-vot fl-Irlanda.

2.5

Malta: 1 01  700 ċittadin Malti jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE, il-maġġoranza l-kbira tagħhom fir-Renju Unit (3). Il-kostituzzjoni Maltija tgħid li persuna (li tkun ukoll ċittadina Maltija) għandha d-dritt tal-vot jekk tkun “residenti f’Malta u matul it-tmintax-il xahar minnufih qabel ir-reġistrazzjoni tagħha hekk residenti għal perijodu kontinwu ta’ sitt xhur jew għal perijodi li jammontaw fit-total globali għal sitt xhur”. F'każ importanti fl-2003, qorti Maltija ddeċidiet li r-referenza għal “residenza” fil-Kostituzzjoni Maltija kellha tiġi interpretata bħala “residenza abitwali”, peress li l-interpretazzjoni iktar restrittiva ta' “residenza” bħala “preżenza fiżika” tmur kontra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Id-deċiżjoni tal-qorti ma ġietx segwita minn emenda kostituzzjonali.

2.6

Ir-Renju Unit: madwar 2,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit jgħixu fi Stati Membru ieħor tal-UE. Ir-regoli dwar id-drittijiet tal-vot tagħhom fl-elezzjonijiet parlamentari tar-Renju Unit inbidlu tliet darbiet fl-aħħar 30 sena. Qabel l-1985 dawk li jgħixu barra mill-pajjiż ma setgħux jivvutaw affattu, iżda milll-1985 'il quddiem iċ-ċittadini bdew jitilfu d-drittijiet tal-vot tagħhom biss wara ħames snin barra mill-pajjiż. Dan il-perjodu żdied għal 20 sena fl-1989 imbagħad tnaqqas għal 15-il sena fl-2000, li għadu l-perjodu fis-seħħ. Fi żvilupp reċenti ħafna, id-Demokratiċi Liberali – li jifformaw parti mill-gvern ta' koalizzjoni – iddeċidew fil-kungress tal-partit fl-1 u t-2 ta' Marzu 2014 li ċittadini tar-Renju Unit fl-Ewropa għandu jkollhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali.

Brussell, 29 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, 1,17-il miljun ċittadin tal-UE mill-ħames pajjiżi kkonċernati kienu qed jgħixu barra minn pajjiżhom fl-UE fl-2013, iżda din iċ-ċifra ma tinkludix ċittadini tal-UE barranin li jgħixu fil-Greċja, Franza, il-Kroazja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta u r-Renju Unit (għalkemm ċittadini Irlandiċi li jgħixu fir-Renju Unit qed jingħaddu wkoll).

(2)  Skont il-Kummissjoni, l-ebda Stat Membru għandu politika ġenerali fejn jagħti lil ċittadini ta' Stat Membru ieħor u li huma residenti fit-territorju tiegħu d-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet: “ċittadini tal-Commonwealth li jikkwalifikaw” jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fir-Renju Unit u ċittadini tar-Renju Unit għandhom id-dritt li jivvotaw fl-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali fl-Irlanda.

(3)  Ċifra pprovduta mill-Gvern Malti.


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/63


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi”

COM(2013) 812 final – 2013/0398 (COD)

2014/C 311/10

Relatur: is-Sur Šarmír

Nhar id-9 ta' Diċembru 2013 u nhar il-11 ta' Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

COM(2013) 812 final – 2013/0398 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex il-politika ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej issir iktar sempliċi u iktar effikaċi.

1.2

Il-KESE jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tat l-għan lilha nnifisha li żżid b'mod sinifikanti l-baġit allokat sabiex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet ta' promozzjoni u sabiex timplimenta strateġija ġenwina ta' promozzjoni.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li l-promozzjoni fil-pajjiżi terzi tiġi appoġġjata iktar, peress li dawn il-pajjiżi għandhom potenzjal kbir biex jieħdu dawn il-prodotti agroalimentari Ewropej u s'issa, anqas minn 30 % tal-baġit huwa destinat għal azzjonijiet ta' promozzjoni fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi. Madankollu, għall-KESE, l-ambizzjoni li 75 % tal-baġit jiġu allokati għal azzjonijiet ta' promozzjoni fil-pajjiżi terzi tidher sproporzjonata meta jitqiesu l-isfidi reali tas-settur agroalimentari Ewropew. Distribuzzjoni adegwata tal-ammonti destinati għall-promozzjoni fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi pjuttost tkun ta' 50 %-50 %.

1.4

Skont il-KESE, fis-suq tal-UE l-prodotti agrikoli Ewropej iridu jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem iktar ħarxa mill-prodotti importati Għal din ir-raġuni ser ikun hemm bżonn li jiżdiedu l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli Ewropej fi ħdan l-UE. Dan minħabba li l-maġġoranza kbira tal-konsumaturi Ewropej jinjoraw il-vantaġġi paragunabbli ta' dawn l-istess prodotti.

1.5

F'każijiet definiti tajjeb u b'mod eċċezzjonali, il-KESE jirrakkomanda li jkun possibli li jiġu promossi l-prodotti agroalimentari ta' Stat Membru fit-territorju tiegħu stess.

1.6

Huwa jirrakkomanda wkoll li l-prodotti tal-ikel li jintużaw fl-ipproċessar sekondarju (li mhumiex inklużi fl-Anness I tat-TFUE) jiġu inklużi b'mod espliċitu fl-Artikolu 5 bħala prodotti eliġibbli. Huwa jitlob ukoll li l-esklużjoni espliċita tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura titneħħa.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-inbid tkun tibbenefika mill-appoġġ Ewropew mhux biss jekk prodott tal-ikel ieħor ikun parti mill-programm ikkonċernat, imma wkoll meta dan il-programm ikun marbut ma' proġett ta' agrituriżmu.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-appoġġ tal-UE għall-promozzjoni tal-ħalib maħsub speċifikament għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni għandu jkopri 60 % tal-ispejjeż, bħalma huwa l-każ għall-frott u l-ħaxix.

1.9

Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jkomplu jintalbu jikkontribwixxu sa 30 % tal-ispejjeż tal-kampanji ta' promozzjoni. F'każ li dan ma jseħħx, ħafna kandidati potenzjali ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji li jeħtieġu sabiex iwettqu programmi ta' promozzjoni. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-organizzazzjonijiet professjonali fl-Istati Membri kollha jkollhom l-istess opportunitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ sabiex jippromovu l-prodott agroalimentari tagħhom.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni mressqa mill-organizzazzjonijiet biex jiksbu l-appoġġ mill-UE għandhom jintbagħtu lill-punti uniċi ta' kuntatt tal-Kummissjoni, u li l-informazzjoni li tikkonċerna kull applikazzjoni tintbagħat lill-Istat ta' oriġini tal-organizzazzjoni tal-applikant qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li l-proċeduri amministrattivi marbuta mat-tħejjija u s-segwitu tal-programmi ta' promozzjoni jiġu ssemplifikati, partikolarment billi jitnaqqas in-numru ta' rapporti mitluba mill-Kummissjoni. Huwa partikolarment importanti li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Hemm bżonn ta' livell ogħla ta' flessibbiltà sabiex il-programmi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq matul il-fażi tal-implimentazzjoni. Sabiex jinkiseb dan l-għan, għandu jitnaqqas l-ammont ta' informazzjoni ddettaljata mitluba matul il-preżentazzjoni tal-programmi (1).

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-politika għall-appoġġ tal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli hija neċessarja sabiex jiġi żgurat it-tkabbir tal-agrikoltura Ewropea. Fil-fatt, l-operaturi tas-settur agroalimentari jridu jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem aktar diffiċli biex jistabbilixxu ruħhom fis-suq Ewropew u globali.

2.2

Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ppermetta li jitwettqu attivitajiet ta' promozzjoni appoġġjati mill-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmi tiegħu wrew li kienu aktar adatti għall-isfidi tal-ekonomija globalizzata milli s-sistema preċedenti stabbilita mir-Regolamenti (KE) Nru 2702/1999 u 2826/2000. Il-kampanji ta' promozzjoni mwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 ppromovew il-kwalità, il-valur nutrijenti u s-sigurtà tal-prodotti agroalimentari tal-Unjoni Ewropea, u ġibdu wkoll l-attenzjoni lejn karatteristiċi u vantaġġi oħra li kienu speċifiċi għal dawn il-prodotti, bħall-metodi ta' produzzjoni, it-tikkettar, il-benessri tal-annimali u r-rispett tal-ambjent. L-attivitajiet ta' promozzjoni setgħu jsiru bħala kampanji ta' riklamar, promozzjoni fil-post tal-bejgħ, kampanji ta' relazzjoni pubblika, parteċipazzjoni f'wirjiet u fieri, eċċ. Bejn l-2000 u l-2012, l-UE kkofinanzjat 552 programm ta' promozzjoni.

2.3

Madankollu, l-esperjenza relatata mas-sistema ta' appoġġ għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli prevista fir-Regolament (KE) Nru 3/2008 diġà wriet il-limiti tar-Regolament, peress li f'kuntest milqut mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa partikolarment kruċjali li jintużaw aktar riżorsi u li l-azzjonijiet ta' promozzjoni jkunu mmirati aħjar.

2.4

Din il-proposta kienet preċeduta mill-Green Paper dwar il-miżuri ta' promozzjoni u ta' informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tal-palat tal-prodotti tal-Ewropa (COM(2011) 436 final) u mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b'valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa (COM(2012) 148 final). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-fehmiet tiegħu dwar dawn iż-żewġ dokumenti (2). Huwa jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni, fil-biċċa l-kbira, qieset il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet taż-żewġ opinjonijiet tal-KESE, b'mod partikolari fir-rigward taż-żieda fil-baġit u s-semplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva.

2.5

Għan ieħor tal-proposta huwa l-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea ta' promozzjoni, li għandha tippermetti li l-azzjonijiet jiġu mmirati aħjar. Din l-istrateġija għandha twassal sabiex jiżdiedu n-numru ta' programmi mmirati għall-pajjiżi terzi, kif ukoll il-programmi “multi” (imressqa mill-organizzazzjonijiet ta' diversi Stati Membri) u sabiex jiġi rimedjat il-fatt li ħafna konsumaturi fis-suq intern mhumiex konxji tal-merti tal-prodotti agrikoli Ewropej. Fil-fatt, bejn l-2010 u l-2011, ftit inqas minn 30 % tal-baġit immarkat għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni ntefqu fuq miżuri mmirati għas-swieq tal-pajjiżi terzi, minkejja li dawn is-swieq joffru potenzjal importanti ta' tkabbir. Barra minn hekk, 14 % biss tal-Ewropej jagħrfu l-logos tal-prodotti li jibbenefikaw minn Denominazzjoni Protetta ta' Oriġini (DPO) jew minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP).

2.6

Skont il-proposta ser ikun hemm żieda sostanzjali fl-ammont totali minfuq fuq l-appoġġ u l-proġetti ser jiġu vvalutati biss fil-livell tal-Kummissjoni, mingħajr valutazzjoni minn qabel fil-livell tal-Istat Membru.

2.7

Innovazzjonijiet prinċipali oħrajn introdotti mill-proposta jikkonċernaw il-possibbiltà, bl-għajnuna ta' linji gwida, li jissemmew l-oriġini u l-marki tal-prodotti, l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet ta' prodotturi fost il-benefiċjarji u numru ogħli ta' prodotti eliġibli.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-istrateġija l-ġdida ta' promozzjoni

3.1.1

Wieħed mill-għanijiet ovvji tal-istrateġija futura ta' promozzjoni huwa li jiġu appoġġjati aktar l-azzjonijiet fil-pajjiżi terzi. Dan l-għan huwa bla dubju importanti peress li dawn is-swieq il-ġodda b'potenzjal kbir għat-tkabbir għandhom il-kapaċità li jassorbu proporzjon tajjeb tal-produzzjoni Ewropea, dment li l-konsumaturi jkunu konvinti bil-merti speċifiċi tal-prodotti agroalimentari Ewropej. Madankollu, din il-prijorità strateġika m'għandhiex titwettaq a skapitu tal-isforzi ta' promozzjoni fis-suq intern, fejn il-prodotti agroalimentari Ewropej iridu wkoll jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa minn prodotti importati. B'riżultat ta' dan, il-KESE jqis li l-ambizzjoni li 75 % tal-infiq stmat jiġu kkonsakrati għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli tal-UE fil-pajjiżi terzi (premessa 8) hija sproporzjonata u eċċessiva meta mqabbla mal-isfidi reali tal-agrikoltura Ewropea. Għan aktar ibbilanċjat jista' jkun li jiġu allokati 50 % tal-infiq.

3.1.2

Il-prezzijiet tal-prodotti importati ta' spiss ikunu orħos minn dawk tal-prodotti Ewropej, mhux biss minħabba spejjeż soċjoekonomiċi orħos iżda wkoll minħabba standards ta' produzzjoni inqas stretti fir-rigward tas-sigurtà u t-traċċabbiltà tal-ikel u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, bħalma jidher fil-proposta, il-maġġoranza tal-konsumaturi fl-Istati Membri mhumiex konxji tal-“kwalità integrali” (3) tal-prodotti agroalimentari Ewropej. Għalhekk, għandhu jkun hemm l-istess ammont ta' sforz għall-promozzjoni tal-prodotti Ewropej kemm fis-suq intern kif ukoll fis-suq tal-pajjiżi terzi. Dan huwa dejjem aktar neċessarju minħabba li l-maġġoranza tal-Ewropej, għall-kontra tal-maġġoranza tal-persuni li jgħixu f'pajjiżi terzi, għandhom il-mezzi biex iħallsu għall-benefiċċji speċifiċi ta' dawn il-prodotti, li huma jkomplu jixtru sakemm jibqgħu konvinti minn dawn il-benefiċċji. Inevitabbilment, minħabba l-globalizzazzjoni u l-effetti tal-kriżi fuq maġġoranza tal-popolazzjoni Ewropea, l-UE ser tkompli timtela bi prodotti rħas minn pajjiżi terzi.

3.1.3

Ir-regoli ġenerali tal-UE jipprojbixxu li jiġu promossi l-prodotti ta' Stat Membru wieħed, peress li promozzjoni bħal din tista' titqies bħala protezzjonista. Dan jidher loġiku, billi s-suq komuni għandu jkun ħieles mill-ostakoli. Minkejja dan, jidher li f'xi każijiet speċifiċi, din ir-regola għandha tinkludi xi eċċezzjonijiet. Dan jgħodd b'mod partikolari meta ċerti għanijiet tal-integrazzjoni Ewropea jiġu kompromessi, kif inhu l-każ għall-għan ta' żvilupp reġjonali bbilanċjat. Fil-fatt, il-forzi tas-suq waħedhom xi kultant iwasslu għas-sostituzzjoni tal-produzzjoni domestika ta' Stat Membru minn prodotti importati minn Stat Membru ieħor. L-iżvilupp tal-agrikoltura f'pajjiż għalhekk jinkiseb għad-detriment tal-agrikoltura ta' pajjiż ieħor. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jaħseb li jkun iġġustifikat li tiġi awtorizzata, jew saħansitra appoġġjata, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, abbażi ta' każ b'każ u skont kriterji definiti sew, il-promozzjoni ta' prodotti agrikoli ta' Stat Membru fis-suq tiegħu stess.

3.1.4

Fost il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea hemm żvilupp territorjali u soċjali bbilanċjat kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Madankollu, l-iżvilupp għadu 'l bogħod milli jkun ibbilanċjat u s-sitwazzjoni mhix titjieb. Min-naħa l-oħra, f'diversi Stati Membri, ir-rata tas-sigurtà tal-provvista qed tinżel taħt limiti preokkupanti ħafna: fl-Islovakkja, pereżempju, ir-rata tal-awtosuffiċjenza hija biss ta' 47 %. Agrikoltura effikaċji hija bla dubju l-kundizzjoni prinċipali sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imsemmija hawn fuq, u l-agrikoltura ma tistax tiffunzjona tajjeb jekk ma jkollhiex biżżejjed ftuħ. It-tinqis tal-agrikoltura f'ċerti Stati Membri huwa direttament marbut ma' dak tal-bejgħ tal-prodotti agroalimentari domestiċi fis-suq intern tal-pajjiż. Ir-raġunijiet għal dan huma kumplessi, iżda d-diversi modi sabiex jissaħħaħ is-settur tal-agrikoltura jinkludu kampanji ta' informazzjoni indirizzati għall-konsumaturi tal-pajjiż u li jfaħħru l-kwalitajiet tal-prodotti lokali.

3.1.5

. Fil-fatt, skont indikazzjoni affidabbli, it-tnaqqis fix-xiri ta' prodotti lokali f'xi Stati Membri mhux dejjem jirriżulta minn rabta aħjar tal-kwalità u l-prezz tal-prodotti importanti. Dan jista' jkun marbut ma' fatturi oħra. Per eżempju, fil-pajjiżi li qabel kienu komunisti tal-Ewropa Ċentrali, il-bejjiegħa bl-imnut fuq skala kbira huma kumpaniji kummerċjali mill-Ewropa tal-Punent, li naturalment għandhom rabtiet mill-qrib mal-fornituri tal-pajjiżi fejn qabel kienu installati jew fejn ta' spiss jinsabu ċ-ċentri tagħhom ta' xiri għall-pajjiżi l-ġodda.

3.2   Prodotti eliġibbli

3.2.1

Il-premessa 6 tal-preambolu kif ukoll id-dokumenti uffiċjali ta' informazzjoni ppubblikati mill-Kummissjoni jindikaw li l-iskema tal-promozzjoni issa ser tkun miftuħa għall-prodotti agroalimentari kollha li mhumiex fl-Anness I tat-TFUE (prodotti agrikoli li jerġgħu jiġu proċessati) eliġibbli għas-sistemi Ewropej ta' kwalità, bħaċ-ċikkulata, il-ħelu, il-birra, eċċ. Dan jidher bħala wieħed mill-innovazzjonijiet ewlenin tal-iskema l-ġdida. Madankollu, l-Artikolu 5 tal-proposta, li huwa dwar il-prodotti u temi eliġibbli, ma jsemmix dan għaliex dan jiddefenixxi biss bħala prodotti eliġibbli l-prodotti tal-ikel u agrikoli li jinsabu elenkati fl-Anness I, flimkien mal-inbejjed u l-brandy. Dan huwa problematiku għaliex il-kontenut ta' dawn id-dispożizzjonijiet mhuwiex ċar.

3.2.2

Fost il-prodotti eliġibbli, l-inbid huwa l-uniku wieħed li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni huma soġġetti għal kundizzjoni, jiġifieri li għandu jiġi promoss flimkien ma' prodott ieħor. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-informazzjoni u l-promozzjoni relatati mal-inbejjed tal-Unjoni hija waħda mill-miżuri ewlenin tal-programmi ta' appoġġ għas-settur tal-inbid skont il-PAK fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq. Madankollu, il-prinċipju li l-inbid jiġi promoss flimkien ma' prodotti oħra tal-ikel huwa kompromess minħabba l-esklużjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jakkumpanjaw b'mod naturali ċerti nbejjed. Il-KESE jitlob li l-eċċezzjoni marbuta ma' dawn il-prodotti fl-Artikolu 5 titneħħa.

3.2.3

Madankollu, l-inbejjed Ewropej huma ffaċċjati minn kompetizzjoni partikolarment iebsa mill-“inbejjed tan-New World”, li wasslet għal produzzjoni iktar baxxa fil-pajjiżi Ewropej u produzzjoni għolja f'pajjiżi bħaċ-Ċile, l-Arġentina, l-Afrika t'Isfel, l-Awstralja, l-Istati Uniti u saħansitra ċ-Ċina. Ir-raġunijiet għal dan huma kumplessi, iżda b'mod ġenerali, l-inbejjed importati għandhom prezz orħos, għandhom inqas vantaġġi supplimentari (ftit ħafna indikazzjonijiet ġeografiċi, l-ebda kontroll uffiċjali ta' kwalità, ħafna inqas inbid matur, żona ta' produzzjoni mnaqqsa ħafna, numru limitat ta' varjetajiet ta' għeneb, eċċ.) u huma promossi ħafna. Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produtturi tal-pajjiżi terzi li jassiguraw kunsinni regolari fi kwantitajiet suffiċjenti, b'karatteristiċi organoleptiċi stabbli u prezzijiet raġonevoli tattira ħafna l-kumpaniji kbar bl-imnut, li jfittxu dawn it-tipi ta' fornituri. Għas-settur Ewropew tal-inbid, li huwa ħafna iktar divers, huwa diffiċli iktar li jirrispondi għal dawn l-esiġenzi.

3.2.4

L-inbejjed Ewropej ta' kwalità għalhekk jeħtieġu aktar azzjonijiet ta' promozzjoni u informazzjoni sabiex il-konsumaturi potenzjali jkunu jafu bil-vantaġġi paragunabbli tagħhom. Jekk l-appoġġ għall-promozzjoni tal-inbejjed Ewropej irid ikun ikkundizzjonat mir-raġunijiet msemmija hawn fuq (punt 3.2.2), il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi prevista għażla alternattiva għall-promozzjoni simultanja ta' prodott agrikolu ieħor. Din l-alternattiva għandha tippermetti li l-promozzjoni tal-inbejjed tintrabat ma' attivitajiet ta' agrituriżmu. Fil-fatt, f'diversi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, dan it-tip ta' promozzjoni tal-inbejjed ħadem tajjeb.

3.2.5

Fil-fatt, din ir-rabta mal-agroturiżmu, li hija ta' vantaġġ b'mod reċiproku, tista' tiġi estiża għall-prodotti kollha li ġejjin mill-agrikoltura jew mit-trobbija tal-bhejjem, kif ukoll mis-sajd u l-akkwakultura, bil-għan li jiġu massimizzati s-sinerġiji u tiġi promossa d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul finanzjarju fiż-żoni rurali u kostali.

3.3   Implimentazzjoni u ġestjoni ta’ programmi sempliċi

3.3.1

Skont is-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 3/2008, darbtejn fis-sena l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kienu jagħżlu minn qabel il-kampanji li jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ tal-Unjoni. Imbagħad huma kienu jibagħtu l-proposti riċevuti lill-Kummissjoni Ewropea, li min-naħa tagħha kienet tagħmel l-għażla tagħha. Din il-proposta għandha l-għan li tissemplifika l-proċedura permezz ta' punt uniku għall-għażla tal-programmi; dan għandu jitwettaq mill-Kummissjoni darba fis-sena biss. Bla dubju dan iwassal għal semplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-ġestjoni tal-programmi “sempliċi” (li jikkonċernaw Stat Membru wieħed biss) ser tkompli ssir b'mod konġunt mal-Istati Membri, wara li jintgħażlu mill-Kummissjoni.

3.3.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-applikazzjoni mressqa mill-organizzazzjonijiet biex jiksbu l-appoġġ mill-UE għandhom jintbagħtu lill-punti uniċi ta' kuntatt tal-Kummissjoni, u li l-informazzjoni li tikkonċerna kull applikazzjoni tintbagħat lill-Istat ta' oriġini tal-organizzazzjoni tal-applikant qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni.

3.3.3

Fis-sistema l-antika, l-Unjoni Ewropea setgħet tiffinanzja nofs l-ispejjeż tal-kampanja. Il-kontribut tal-organizzazzjoni professjonali għall-inizjattiva kellu jikkorresondi għal mill-inqas 20 % tal-ispejjeż. L-awtoritajiet nazzjonali kellhom ikopru l-bqija (4). F'ċerti każijiet (pereżempju għall-promozzjoni tal-frott u l-ħxejjex intiżi għall-istudenti Ewropej), il-kontribut tal-Unjoni Ewropea seta' jitla' sa 60 % tal-ispejjeż.

3.3.4

Fis-sistema prevista mir-Regolament propost, il-programmi ser jiġu kkofinanzjati biss mill-organizzazzjoni li qed tagħmel il-proposta u mill-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet nazzjonali għalhekk mhux ser ikollhom iktar l-obbligu (jew il-possibbiltà) li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-programmi.

3.3.5

Il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni jista' jilħaq sa 50 % tal-ispejjeż tal-programm, iżda jista' jiżdied għal 60 % għal programm “multi”, għal programm li jindirizza pajjiż terz wieħed jew aktar, u għall-azzjonijiet għall-frott u l-ħxejjex destinati għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni.

3.3.6

Il-KESE japprezza l-fatt li aktar każijiet ser ikunu eliġibbli għal kontribut finanzjarju mill-UE li jammonta għal 60 % tal-ispiża tal-programm. Madankollu, il-kontribut tal-organizzazzjoni li qed tagħmel il-proposta ovvjament ser ikun ogħla mis-sistema preċedenti, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jipparteċipaw iktar. Dan bla dubju ser jiskoraġġixxi l-organizzazzjonijiet b'mezzi modesti, u ser iwassal sabiex l-organizzazzjonijiet relattivament sinjuri jibbenefikaw ħafna aktar minn qabel mis-sistema ta' appoġġ għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni.

3.3.7

Skont il-KESE, għalhekk huwa mixtieq li l-awtoritajiet nazzjonali jżommu l-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-azzjonijiet ta' promozzjoni (sa 30 %) u dan għallinqas fil-każijiet fejn l-Istati Membri jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi (programmi sempliċi).

3.3.8

Bl-istess mod ikun utli li jiġi awtorizzat kontribut ogħla mill-UE (60 % tal-ispejjeż) għall-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni li jikkonċernaw il-ħalib destinat għat-tfal fl-iskejjel tal-Unjoni. Fil-fatt, għal nutrizzjoni b'saħħitha u bilanċjata, it-tfal tal-lum għandhom bżonn li jikkunsmaw mhux biss aktar frott u ħaxix, iżda wkoll aktar ħalib u prodotti mill-ħalib.

Brussell, 30 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni NAT/525 (relatur: is-Sinjura Slavova), CESE 1859/2011, 07.12.2011, ĠU C43, 15.02.2012, p. 59-64

(2)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 59-64ĠU C 299, 4.10.2012, p. 141-144.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta' kompetittività, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 5-10.

(4)  Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar (KE) Nru 1434/98 fir-rigward tal-obbligu tal-ħatt”

COM(2013) 889 final – 2013/0436 (COD)

2014/C 311/11

Relatur uniku: is-Sur Sarró Iparraguirre

Nhar it-13 ta’ Jannar 2014 u nhar is-16 ta’ Jannar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2187/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 2347/2002 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar (KE) Nru 1434/98 fir-rigward tal-obbligu tal-ħatt

COM(2013) 889 final – 2013/0436 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’199 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Wara l-approvazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida, li fiha ġie inkluż l-obbligu ġdid tal-ħatt kemm tal-ispeċijiet soġġetti għat-TACs (qabda totali permissibbli) kif ukoll tal-kwoti tal-ispeċijiet b'daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, il-KESE jemmen li hemm bżonn li l-leġislazzjoni fis-seħħ li tobbliga l-iskartar tal-ħut f'ċerti ċirkustanzi tiġi adattata għal dan l-obbligu tal-ħatt.

1.2

Madankollu huwa jqis li l-proposta tal-Kummissjoni hija kumplessa wisq u li ser tiġġenera wisq xogħol żejjed u sproporzjonat għas-sajjieda meta jiġu biex japplikaw l-obbligu tal-ħatt. Għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir leġislazzjoni aktar prattika, ċara, sempliċi u flessibbli, li ġenwinament tagħti ż-żmien lis-sajjieda biex jadattaw tul perjodu ta' tranżizzjoni mingħajr ma jiġu penalizzati b'mod iebes.

1.3

Il-KESE jilmenta li ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt minn qabel biex jiġu analizzati r-riperkussjonijiet li ser ikollha l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ħatt fuq il-flotot differenti.

1.4

Il-KESE jqis li l-miżuri tekniċi huma xi ħaġa fundamentali fl-attività tas-sajd u li għalhekk id-deċiżjonijiet dwarhom għandhom jittieħdu wara kuntatt dirett mal-portijiet, ikunu speċifiċi għal każijiet partikolari, ikunu ta' natura temporanja u jkollhom proċessi rapidi u effikaċi għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jippermettu li jsir adattament għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u għall-evoluzzjoni tal-ispeċijiet affettwati.

1.5

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-koleġislatur biex jikkunsidra l-kummenti tiegħu dwar id-definizzjonijiet ġodda, dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet, ir-reġistri tal-qabdiet, l-obbligi ta' kontroll ġodda, l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd, dwar il-marġini ta' tolleranza, il-kontroll bis-CCTV u dwar is-sanzjonijiet.

2.   Kuntest

2.1

Fil-11 ta' Diċembru 2013 ġie approvat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. Dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.2

L-adozzjoni tiegħu tidderoga r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 li stabbilixxa sistema Komunitarja għall-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd, li kien fis-seħħ bejn l-1 ta' Jannar 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013.

2.3

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-PKS jimmodifika u jidderoga diversi regolamenti, deċiżjonijiet u direttivi biex jadattahom għar-regoli l-ġodda li fih.

2.4

Waħda minnhom, li hija s-suġġett ta' din l-Opinjoni, hija dik espressa fl-Artikolu 15 dwar il-miżuri għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi, li tirreferi għall-obbligu tal-ħatt.

2.5

Jekk nikkunsidraw biss dak li għandu x'jaqsam mar-regolament dwar l-obbligu tal-ħatt, inkluż fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-ġdid, dan jikkawża l-modifika ta' seba' Regolamenti (KE) preċedenti u d-deroga tat-tmien Regolament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

It-tħejjija tar-riforma tal-PKS indirizzata fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 damet aktar minn dak previst inizjalment, sal-punt li d-dħul fis-seħħ ġie postpost għal sena, l-aktar minħabba l-istabbiliment kontroversjali tal-obbligu tal-ħatt, magħruf anke bħala l-projbizzjoni tal-iskartar.

3.2

Jista' jingħad li l-għan ewlieni tar-riforma attwali tal-PKS huwa l-eliminazzjoni progressiva tal-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-UE permezz tal-obbligu tal-ħatt.

3.3

Fil-konklużjoni 1.8 tal-Opinjoni tiegħu dwar il-PKS, il-KESE kien stqarr li huwa jilqa' l-objettiv tal-politika tal-projbizzjoni tal-iskartar tal-ħut, iżda li kien jemmen li għandu jkun hemm approċċ aktar gradwali u proporzjonat li jkun ibbażat fuq it-tnaqqis progressiv tal-iskartar u li jippromovi u jinkoraġġixxi l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv għas-sajd, miżuri mmirati għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd b’mod li jinħoloq valur miżjud u t-tiftix ta’ opportunitajiet kummerċjali, filwaqt li jiġu adattati l-infrastrutturi tal-bastimenti u tal-portijiet tas-sajd.

3.4

F'dan il-kuntest, trid tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta għal Regolament bażiku tal-PKS introduċiet il-projbizzjoni tal-iskartar, skont l-ispeċijiet differenti, bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2015.

3.5

Lejn l-aħħar tal-2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku li kien jinkludi kalendarju ġdid għad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tal-ħatt permezz ta' applikazzjoni aktar gradwali minn dik prevista inizjalment, bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-1 ta' Jannar 2019.

3.6

Sabiex l-obbligu tal-ħatt isir operattiv, ċerti dispożizzjonijiet fi ħdan ir-Regolamenti fis-seħħ dwar miżuri tekniċi, miżuri ta’ ġestjoni u kontroll li jmorru kontra l-obbligu tal-ħatt u li jobbligaw lis-sajjieda jiskartaw il-ħut, għandhom jitneħħew jew jiġu emendati.

3.7

Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fis biex timmodifika r-regolamentazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa qafas ġdid ta’ miżuri tekniċi li għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt. Madankollu, dan il-qafas il-ġdid kważi ċertament mhux se jidħol fis-seħħ fil-ħin għall-ewwel grupp ta’ sajd li għandu jkun kopert skont l-obbligu tal-ħatt fl-1 ta' Jannar 2015.

3.8

Għaldaqstant hemm bżonn ta' leġislazzjoni li tneħħi kull impediment legali u prattiku, għall-implimentazzjoni fuq bażi tranżizzjonali filwaqt li jkun qed jiġi żviluppat dan il-qafas ġdid.

3.9

Din il-leġislazzjoni, li l-KESE jqis indispensabbli biex il-PKS il-ġdida tiġi applikata korrettament, hija dik li qed tippreżentalna bħalissa l-Kummissjoni u li qed nanalizzaw fil-punti li ġejjin.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-proposta tibda billi tintroduċi xi bidliet fid-definizzjonijiet li huma komuni għal diversi Regolamenti, bħall-introduzzjoni ta' terminu ġdid imsejjaħ “qabdiet mhux intenzjonati” jew il-bidla tad-definizzjoni ta' “daqsijiet minimi ta' sbark” (MLS) għal “daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni” (TMRC).

4.2

Il-biċċa l-kbira tal-bidliet fir-Regolamenti tal-miżuri tekniċi għandhom l-għan li jeliminaw l-obbligu tal-iskartar li l-leġislazzjoni attwali timponi għal tliet raġunijiet:

jekk ma jiġux rispettati r-regoli tal-kompożizzjoni tal-qabdiet.

jekk ma jintlaħqux l-MLSs.

jekk ma jiġux rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-qabdiet inċidentali.

4.3

Il-Kummissjoni tipproponi li jinżamm fis-seħħ l-obbligu tal-iskartar ta' dak kollu li mhuwiex soġġett għall-obbligu tal-ħatt u li jitneħħa, permezz ta' eċċezzjonijiet, dak kollu li jibqa' soġġett għall-obbligu tal-ħatt, li barra minn hekk ser ikollu jingħadd kontra l-kwoti.

4.4

Il-KESE jqis li l-miżuri tekniċi huma xi ħaġa fundamentali fl-attività tas-sajd u li għalhekk id-deċiżjonijiet dwarhom għandhom jittieħdu wara kuntatt dirett mal-portijiet, ikunu speċifiċi għal każijiet partikolari, ikunu ta' natura temporanja u jkollhom proċessi rapidi u effikaċi għat-teħid ta' deċiżjonijiet li jippermettu li jsir adattament għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u għall-evoluzzjoni tal-ispeċijiet affettwati. Sfortunatament, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE ma jippermettix li dan iseħħ.

4.5

Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Regolament hija kumplessa ħafna u li ser tiġġenera wisq xogħol żejjed u sproporzjonat għas-sajjieda meta jiġu biex japplikaw l-obbligu tal-ħatt. Għaldaqstant jemmen li hemm bżonn ta' leġislazzjoni li tkun aktar prattika, ċara, sempliċi u flessibbli, u li tagħti perjodu ta' tranżizzjoni lis-sajjieda, kif ġara f'pajjiżi oħra tad-dinja, biex dawn jadattaw mingħajr ma jiġu penalizzati b'mod iebes. Għalhekk jaħseb li mhumiex ġustifikati l-miżuri l-ġodda ta' kontroll introdotti biex jiżguraw il-konformità totali mill-ewwel jum ta' leġislazzjoni li m'għandniex esperjenza tagħha.

4.6

F'dan il-kuntest, il-KESE jilmenta li ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt minn qabel biex jiġu analizzati r-riperkussjonijiet li ser ikollha l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ħatt fuq il-flotot differenti. B'mod partikolari jikkunsidra li din il-valutazzjoni hija partikolarment bżonjuża għas-sajd pelaġiku li jsir f'żoni esterni ta' sajd ġestiti mill-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd. Għal dawn iż-żoni hemm bżonn ta' studju preliminari komplet bil-għan li l-liġi Ewropea tiġi applikata b'mod armonizzat, waqt li jitqiesu r-regolamenti li diġà jeżistu f'dawn l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd, b'tali mod li ma jkunx hemm żvantaġġ komparabbli jew theddid għall-kompetittività tal-flotot Ewropej li joperaw f'żoni esterni ta' sajd.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

B'rabta mad-definizzjoni tal-“qabdiet mhux intenzjonati” li huma l-qabdiet inċidentali ta’ organiżmi tal-baħar li għalihom huwa pprojbit is-sajd fiċ-ċirkostanzi rilevanti, il-Kumitat jemmen li għalkemm id-definizzjoni hija sempliċi, mhijiex sodisfaċenti ħafna għax normalment ikunu speċijiet mhux fil-mira u ta' valur li għal raġunijiet ta' distribuzzjoni tal-kwoti jew leġislazzjonijiet oħra ma jistgħux jinżammu mill-irkapti jew mill-operatur partikolari. Il-KESE jaqbel aktar li jiġu definiti bħala “l-qabdiet inċidentali li ma jikkonformawx b'mod sħiħ mal-leġislazzjoni fis-seħħ”.

5.2

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tad-“daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni”, bħalissa dan għadu biss bidla fin-numru, b'mod li l-ispeċi li ma tilħaqx dan id-daqs u tkun soġġetta għall-obbligu tal-ħatt, għandha tinħatt b'mod indipendenti u kkontrollat biex ma terġax tidħol fiċ-ċirku kummerċjali, filwaqt li l-ispeċijiet li mhumiex soġġetti ser ikomplu jintefgħu lura fil-baħar. Il-KESE jemmen li għandhom jitqiesu l-marġini ta' żball biex tiġi koperta d-diffikultà teknika tas-separazzjoni b'mod eżawrjenti, bejn l-ispeċijiet bl-obbligu tal-ħatt, l-MCRS differenti, għax inkella tinħoloq nuqqas ta' sigurtà legali enormi.

5.3

Il-modifika tal-klawżoli tal-kompożizzjoni tal-qabdiet, li bħalissa jobbligaw il-ħatt tal-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt, xi kultant ma tagħmilhiex ċara jekk dawn il-qabdiet mhux intenzjonati għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-persentaġġi tal-kompożizzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jemmen li toħroġ il-problema dwar liema kwoti ser jitqiesu fil-kalkolu ta' dawn il-qabdiet, mistoqsija diffiċli tinstabilha tweġiba mingħajr l-informazzjoni dwar il-flessibbiltà li ser iġibu magħhom il-mekkaniżmi previsti differenti, kif fil-ġejjieni ser iseħħu l-iskambji tal-kwoti bejn l-Istati Membri (swaps) u liema ser tkun il-politika tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tat-TACs għall-ispeċijiet differenti fis-sajd imħallat. Jekk il-kriterju huwa r-rendiment massimu sostenibbli, ser iseħħu żbilanċi li ser iwasslu għal skarsezza ġenerali ta' ċerti kwoti u ħafna negozji tas-sajd ser ikunu mgħallqin.

5.4   Reġistru tal-qabdiet u tal-iskartar

5.4.1

Il-modifika tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dwar l-ikkompletar u l-preżentazzjoni tal-ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, li qabel kien “jindika speċifikament il-kwantitajiet kollha ta’ kull speċi maqbuda u miżmuma abbord aktar minn 50 kg ta’ ekwivalenti ta’ piż ħaj” issa tneħħi dan l-aħħar kriterju. Il-KESE jqis li din il-miżura ser tikkomplika ħafna x-xogħol, speċjalment fil-bastimenti ż-żgħar, avolja dan il-kapitlu ser japplika biss għal dawk ikbar minn 10 metri. Jekk l-intenzjoni hija li tittejjeb l-informazzjoni, dan jista' jsir bi preċiżjoni biżżejjed permezz ta' kampjuni.

5.4.2

Għaldaqstant, il-Kumitat jemmen li l-modifika tal-paragrafu f) li issa jgħid li “il-kwantitajiet stmati ta’ kull speċi f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, fejn xieraq, in-numru ta’ individwi, inkluż, bħala entrata separata, il-kwantitajiet jew individwi taħt id-daqs ta’ referenza minimu għall-konservazzjoni applikabbli”, jista' f'ċerti każijiet jinvolvi xogħol sproporzjonat, speċjalment għall-flotta artiġjanali.

5.4.3

Il-paragrafu 4 kien jgħid li “Kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom ukoll jirreġistraw fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tagħhom l-iskartar kollu stmat ta’ ħut ta’ aktar minn 50 kg ta’ ekwivalenti ta’ piż ħaj f’volum għal kwalunkwe speċi.” Il-KESE jemmen li t-tneħħija minn dan il-paragrafu tar-referenza għall-50 kg ser tfisser xogħol konsiderevoli li lanqas biss ġie kkalkulat. Hemm bżonn jitqies li t-test jirreferi għall-ispeċijiet kollha, kemm dawk soġġetti għall-obbligu tal-ħatt kif ukoll dawk li mhumiex.

5.5

L-obbligu ta' kontroll il-ġdid li l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) 850/98 jimponi lis-sidien ġibed l-attenzjoni tal-KESE b'mod partikolari, peress li ma jistax jiġi mbassar dak li ser jinqabad minn bastiment fi vjaġġ tas-sajd u ma jistgħux jintalbu ħiliet ta' tbassir tal-futur lis-sidien. Minkejja li l-mod kif inhu miktub huwa vag dwar il-konsegwenzi prattiċi ta' din l-esiġenza jew dwar in-nuqqas ta' konformità, tista' tiġi applikata biex jiġu penalizzati sidien jew biex tiggrava kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitt. Għaldaqstant, il-Kumitat jemmen li dan il-punt għandu jitneħħa għax jista' joħloq nuqqas ta' sigurtà legali gravi.

5.6

Il-Kumitat iqis li l-esiġenza tal-awtorizzazzjoni tas-sajd individwali obbligatorja għall-bastimenti milquta mill-obbligu tal-ħatt hija pjuttost eċċessiva, peress li ser taffettwa għadd kbir ta' bastimenti żgħar u ser toħloq burokrazija enormi, fid-dawl tal-esiġenzi addizzjonali ta' komunikazzjoni mill-Istati Membri. Il-KESE jemmen li jkun aħjar li din l-awtorizzazzjoni teskludi lill-bastimenti li joħorġu jistadu għal inqas minn ġurnata.

5.7   Obbligi oħra addizzjonali ta' kontroll

5.7.1

Ir-regoli l-ġodda ta' kontroll għandhom jiġu applikati b'mod ġenerali fuq is-sajd u għal bastimenti kbar u żgħar. Il-KESE jtenni li dawn il-miżuri huma inadegwati b'mod speċjali għall-bastimenti ż-żgħar għax jinvolvu piż amministrattiv enormi għall-industrija u għall-amministrazzjonijiet, kif ukoll diffikultajiet prattiċi għax-xogħol abbord.

5.7.2

Il-Kummissjoni tipproponi l-istivar separat tal-ispeċijiet ta' daqs żgħir, billi tistabbilixxi li “għandhom jitpoġġew f’kaxxi, kompartamenti jew kontenituri separati minn kull stokk”. Il-Kumitat jemmen li din il-miżura tista' ma tkunx tista' titwettaq b'mod realistiku mill-bastimenti ż-żgħar u li l-esklużjoni parzjali prevista għall-bastimenti ta' inqas minn 12-il metru ma tidhirx biżżejjed. Għaldaqstant, il-KESE jqis li għandhom jiġu esklużi minn dan ir-rekwiżit almenu l-bastimenti kollha li joħorġu jistadu għal jum wieħed jew jumejn, ikun xi jkun id-daqs tagħhom.

5.8   Sanzjonijiet u osservaturi

5.8.1

Il-mod kif inhu miktub l-Artikolu 90(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jqis bħala ksur gravi kull nuqqas ta' rispett tal-obbligu tal-ħatt. Il-KESE jqis li din hija esaġerata u eċċessiva u li għandha titneħħa mill-proposta.

5.8.2

Minkejja li l-istess Artikolu jispeċifika li l-gravità tal-ksur inkwistjoni ser tiġi determinata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kumitat iqis li l-leġislazzjoni ser tkun tant kumplessa u diffiċli li tiġi obduta li mhu ser ikun faċli għall-ebda sid tal-ebda flotta li ma jwettaqx ksur ċkejken mingħajr ma jkun jaf.

5.9

Il-KESE jemmen li l-istabbiliment ta' marġini ta' tolleranza ikbar għal kwantitajiet żgħar ta' qabdiet huwa raġonevoli. Minkejja dan, iqis li l-marġini proposti mhumiex realistiċi, speċjalment it-tneħħija tal-limitu ta' 50 kg fid-dikjarazzjonijiet u r-rekwiżit tal-kwantifikazzjoni tal-iskartar kollu. Minflok, huwa jipproponi li l-marġini ta' tolleranza ġodda, b'dawn ir-rekwiżiti ta' informazzjoni, jiġu negozjati u diskussi individwalment mal-qasam tas-sajd.

5.10

Skont il-Kummissjoni, l-inklużjoni ta' paragrafu dwar il-monitoraġġ elettroniku mill-bogħod (CCTV), minkejja li fir-realtà mhuwiex obbligatorju, iwieġeb għall-ħtieġa ta' qafas regolatorju għal din is-sistema, li jiżdied ma' dawk disponibbli bħalissa fir-regolament ta' kontroll. Il-KESE jqis li l-kundizzjonijiet li taħthom dan jista' jiġi applikat għandhom jiġu stabbiliti b'mod aktar ċar u definiti tajjeb.

Brussell, 29 April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklonjar ta’ annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta’ biedja”

COM(2013) 892 final – 2013/0433 (COD)

“il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ikel minn kloni tal-annimali”

COM(2013) 893 final – 2013/0434 (APP)

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid”

COM(2013) 894 final – 2013/0435 (COD)

2014/C 311/12

Relatur: is-Sur Espuny Moyano

Nhar is-16 ta’ Jannar 2014 u nhar il-15 u s-17 ta' Jannar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43, 403 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposti li ġejjin, rispettivament

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikklonjar ta’ annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina miżmuma u riprodotti għal skopijiet ta’ biedja

COM(2013) 892 final – 2013/0433 (COD)

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ikel minn kloni tal-annimali

COM(2013) 893 final – 2013/0434 (APP)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid

COM(2013) 894 finali – 2013/0435 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tat-30 ta' April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'174 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-ikklonjar

1.1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li hemm bżonn u li jkun utli li titfassal leġislazzjoni dwar l-ikklonjar tal-annimali fl-UE bil-għan li jiġu assigurati kundizzjonijiet uniformi tal-produzzjoni għall-bdiewa filwaqt li jkunu protetti s-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-istennijiet tal-konsumaturi.

1.1.2

Billi jqis l-oppożiżżjoni miċ-ċittadini u mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u n-nuqqas ta' għarfien tekniku, il-KESE jappoġġja s-sospensjoni temporanja tal-ikklonjar tal-annimali u tal-importazzjonijiet ta' kloni ta' annimali għal skopijiet ta' biedja fl-UE.

1.1.3

Il-KESE jistqarr li din is-sospensjoni mhijiex ibbażata fuq ir-riskji għas-sigurtà tas-saħħa magħrufin iżda fuq kwistjonijiet etiċi u ta' benessri tal-annimali.

1.1.4

Il-KESE jgħid li l-projbizzjoni m'għandhiex tapplika għal sitwazzjonijiet bħall-ikklonjar għal finijiet ta' riċerka meta l-użu ta' din it-teknika jkun ġustifikat.

1.1.5

Il-KESE jemmen li din il-projbizzjoni temporanja tista' tiġi riveduta biss fil-futur waqt li jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni, il-progress xjentifiku u tekniku u l-iżviluppi fil-qafas internazzjonali, kif ukoll il-fehma taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

1.1.6

Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk verament jeżistux tekniki adegwati biex issir differenza, l-aktar fl-importazzjonijiet, bejn annimali kklonjati u dawk prodotti bit-tekniki li bħalissa huma permessi fl-UE; għaldaqstant jappella biex ir-rekwiżit ta' traċċabbiltà sħiħa jiġi estiż għall-prodotti importati, li hija l-unika garanzija evidenti tal-oriġini ta' annimal, bħala strument insostitwibbli għall-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa.

1.1.7

Il-KESE jinsisti għal darb'oħra biex il-leġislazzjoni applikabbli fl-UE tkun mitluba bl-istess mod għall-annimali importati biex il-bdiewa tagħna ma jkunux żvantaġġjati meta mqabbla ma' bdiewa ta' pajjiżi terzi.

1.1.8

Il-KESE jqis li l-ikklonjar jista' jkun ta' theddida għall-produzzjoni ta' kwalità u s-sostenibbiltà tal-katina ekonomika u agroalimentari Ewropea. Barra dan, l-użu aktar mifrux tal-ikklonjar għall-skopijiet agrikoli joħloq ir-riskju ta' trasferiment tal-ġid mingħand dawk li jaħdmu u jipproduċu għal dawk iċ-ċentri ta' riċerka sidien tal-privattivi.

1.2   Kummerċjalizzazzjoni ta' ikel minn kloni tal-annimali

1.2.1

Il-KESE jemmen li hemm bżonn u li jkun utli li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ċari dwar il-projbizzjoni temporanja tal-introduzzjoni fis-suq ta' ikel li jkun ġej minn kloni tal-annimali, biex b'hekk ikun qed iqis is-sensibbiltajiet differenti taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

1.2.2

Il-KESE jappoġġja s-sospensjoni temporanja tal-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel li jkun ġej minn kloni ta' annimali fl-UE bħala miżura komplementarja tal-projbizzjoni temporanja tat-teknika tal-ikklonjar tal-annimali.

1.2.3

Il-KESE jqis li din il-projbizzjoni tista' tiġi riveduta fil-futur, waqt li jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha, il-progress xjentifiku u tekniku u l-iżviluppi internazzjonali kif ukoll il-fehma taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

1.2.4

Il-KESE jsostni li, billi jitqies il-fatt li l-ikklonjar tal-annimali huwa permess f'ċerti pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha li hemm bżonn biex tiġi pprojbita l-importazzjoni fl-UE ta' ikel miksub f'pajjiżi terzi minn kloni ta' annimali.

1.2.5

Il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' sistemi adegwati biex jinqabad laħam u ħalib li jkunu ġejjin minn annimali kklonjati fl-ikel importat minn pajjiżi terzi; għaldaqstant jappella biex ir-rekwiżit ta' traċċabbiltà sħiħa jiġi estiż għall-prodotti importati, li hija l-unika garanzija evidenti tal-oriġini tagħhom, bħala strument insostitwibbli għall-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa.

1.2.6

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li tkun salvagwardata l-fiduċja tal-konsumaturi iżda, minħabba n-nuqqas ta' strumenti analitiċi tajbin biżżejjed biex jiddistingwu l-kloni u l-frieħ tagħhom mill-annimali mwielda b'mod konvenzjonali u n-nuqqas ta' sistemi ta' traċċabbiltà u ttikkettar ċari u sikuri, iwissi dwar il-possibbiltà ta' impatti negattivi futuri fuq is-suq tal-prodotti tal-animali.

1.3   Ikel ġdid

1.3.1

Il-KESE jqis li hemm bżonn u li jkun utli li tiġi aġġornata l-leġislazzjoni dwar ikel ġdid, għax dan iwassal mhux biss għal sigurtà legali aħjar iżda anke għal sigurtà tal-ikel akbar; għaldaqstant huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, iżda xorta waħda għandhom jitqiesu xi suġġerimenti.

1.3.2

Il-KESE jsostni li l-istatut ta' ikel ġdid abbażi tad-deskrizzjoni ta' “l-ikel kollu li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni”, għandu jkun ippreċiżat aktar permezz tat-twaqqif ta' kriterji adegwati maħsubin għal dan il-għan.

1.3.3

Il-KESE jqis li għandhom jiġu studjati bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-mudell ta' awtorizzazzjoni ġenerika msemmi fil-proposta, li fl-ebda każ m'għandu jkun jista' jipperikola l-innovazzjoni futura.

1.3.4

Il-KESE jemmen li l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi għandha tkun aktar sempliċi u tkun ibbażata fuq kriterji ċari li jippermettu l-ġustifikazzjoni ta' “l-esperjenza ta’ użu sigur bħala ikel fi kwalunkwe pajjiż terz” li għaliha ssir referenza fil-proposta.

1.3.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-listi tal-UE għandhom ikunu ċari, aġġornati u aċċessibbli faċilment kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-operaturi. Barra mill-ikel ġdid u l-ikel tradizzjonali ta' pajjiżi terzi awtorizzati, il-listi għandhom jinkludu dawk il-każijiet li jkunu ġew rrifjutati l-awtorizzazzjonijiet mitluba flimkien mal-kawżi għal dawn ir-rifjuti. B'dan il-mod titħeġġeġ it-trasparenza u tiġi garantita s-sigurtà legali meħtieġa.

1.3.6

Il-KESE jinnota li ma ġiet prevista l-ebda sistema jew skadenza għar-reviżjoni tal-lista u għalhekk jipproponi li jiġi inkluż mekkaniżmu fir-Regolament stess sabiex il-lista tkun tista’ tiġi riveduta meta jkun hemm bżonn.

1.3.7

Il-KESE jqis li l-isforzi mwettqa mill-kumpaniji fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandhom ikunu protetti mill-awtoritajiet permezz ta’ ħarsien adegwat tad-data. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li l-kriterju li jiġġustifika din il-protezzjoni jinsab fl-applikant u mhux fil-fehma tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni.

1.3.8

Il-KESE jsostni li fil-miżuri tranżitorji għandhom jiġu meqjusa wkoll il-prodotti li fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ma jkunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fih.

2.   Sinteżi tal-proposti

2.1   L-ikklonjar

2.1.1

Il-proposta tistabbilixxi regoli marbutin mal-ikklonjar tal-annimali għal skopijiet ta' biedja fl-UE u l-introduzzjoni fis-suq ta' kloni ta' embrijuni u ta' kloni ta' annimali.

2.1.2

Għal dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“annimali mrobbija u miżmuma għal skopijiet ta’ biedja” tfisser annimali miżmuma u riprodotti għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda jew pil jew għal skopijiet oħra ta’ biedja. M’għandhiex tinkludi annimali miżmuma u riprodotti esklussivament għal skopijiet oħra bħar-riċerka, il-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali u apparat mediku, il-preservazzjoni ta’ razez rari jew speċi fil-periklu, avvenimenti sportivi u kulturali;

(b)

“klonjar” tfisser ir-riproduzzjoni veġetattiva ta’ annimali permezz ta’ teknika li biha n-nukleu ta’ ċellola ta’ annimal individwali jiġi trasferit f’ooċit li minnu jkun tneħħa n-nukleu sabiex jinħolqu embrijuni individwali ġenetikament identiċi (“kloni ta’ embrijuni”), li mbagħad ikunu jistgħu jiġu impjantati f’ommijiet surrogati sabiex jipproduċu popolazzjonijiet ta’ annimali ġenetikament identiċi (“kloni tal-annimali”);

(c)

“tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li annimal jew prodott jitqiegħed disponibbli fis-suq intern.

2.1.3

L-Istati Membri ser jipprojbixxu b'mod provviżorju l-ikklonjar ta' annimali u l-introduzzjoni fis-suq ta' kloni ta' annimali u ta' embrijuni.

2.1.4

B'mod espliċitu qed jiġu esklużi mill-projbizzjoni l-annimali miżmuma u riprodotti esklussivament għal skopijiet oħra bħar-riċerka, il-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali u apparat mediku, il-preservazzjoni ta’ razez rari jew speċi fil-periklu, avvenimenti sportivi u kulturali.

2.1.5

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex jiġi applikat dak li jingħad fid-Direttiva.

2.2   Kummerċjalizzazzjoni ta' ikel minn kloni tal-annimali

2.2.1

Il-proposta tikkunsidra l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar l-użu ta’ ikel minn kloni tal-annimali.

2.2.2

Il-proposta tistabbilixxi projbizzjoni provviżorja fuq l-introduzzjoni fis-suq ta' ikel ġej minn annimali kklonjati.

2.2.3

Fejn:

(a)

“klonjar” tfisser ir-riproduzzjoni veġetattiva ta’ annimali permezz ta’ teknika li biha n-nukleu ta’ ċellola ta’ annimal individwali jiġi trasferit f’ooċit li minnu jkun tneħħa n-nukleu sabiex jinħolqu embrijuni individwali ġenetikament identiċi (“kloni ta’ embrijuni”), li mbagħad ikunu jistgħu jiġu impjantati f’ommijiet surrogati sabiex jipproduċu popolazzjonijiet ta’ annimali ġenetikament identiċi (“kloni tal-annimali”);

(b)

“ikel” tfisser ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.2.4

Hija pprojbita l-importazzjoni ta' ikel minn annimali importat minn pajjiżi terzi li fihom ikel li ġej mill-kloni tal-annimali jista' jidħol fis-suq jew jiġi esportat legalment, sakemm ma jiġux rispettati l-kundizzjonijiet kollha speċifiċi tal-importazzjoni.

2.2.5

B'din il-proposta ser jiġi garantit li fis-suq tal-UE ma jidħolx ikel, bħal laħam u ħalib, li jkun ġej minn kloni.

2.2.6

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex jiġi applikat dak li jingħad fid-Direttiva.

2.3   Ikel ġdid

2.3.1

Ir-regolamentazzjoni Ewropea oriġinali dwar ikel ġdid ilha mill-1997 u qed tiġi aġġornata permezz ta' din il-proposta għal Regolament.

2.3.2

L-għan tal-proposta huwa li tiżgura s-sigurtà tal-ikel, tipproteġi s-saħħa pubblika u tassigura l-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tikkontribwixxi għall-innovazzjoni fis-settur tal-ikel.

2.3.3

Il-proposta għandha l-għan li tissemplifika l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kif ukoll li ttejjeb l-effiċjenza u t-trasparenza tagħha. Barra minn hekk, hija tiċċara d-definizzjoni ta’ ikel ġdid u tieħu inkunsiderazzjoni teknoloġiji ġodda li għandhom impatt fuq l-ikel.

2.3.4

Tintroduċi valutazzjoni tas-sigurtà aktar rapida u proporzjonata għall-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi li għandhom storja ta’ użu sigur tal-ikel.

2.3.5

Il-proposta żżomm il-kriterji ġenerali eżistenti biex tiddefinixxi ikel ġdid:

“(a)

l-ikel kollu, li ma ntużax għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997; u b'mod konkret:

(i)

ikel li għalih jiġi applikat proċess ta’ produzzjoni ġdid, li ma ntużax fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, fejn dak il-proċess ta’ produzzjoni jwassal għal bidliet sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fl-istruttura tal-ikel li jaffettwaw il-valur nutrittiv tiegħu, il-mod li bih jiġi metabolizzat jew il-livell ta’ sustanzi mhux mixtieqa;

(ii)

l-ikel li fih jew jikkonsisti minn “nanomaterjali manifatturati” kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(t) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

(iii)

vitamini, minerali u sustanzi oħrajn użati skont id-Direttiva 2002/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jew ir-Regolament (UE) Nru 609/2013, fejn:

ġie applikat proċess ta’ produzzjoni ġdid kif imsemmi fil-punt (i) ta’ dan il-paragrafu; jew

tali sustanzi fihom jew jikkonsistu minn “nanomaterjali manifatturati” kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)t tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

(iv)

ikel użat esklussivament f’supplimenti tal-ikel fl-Unjoni qabel il-15 ta’ Mejju 1997, fejn huwa maħsub li jintuża f’ikel minbarra supplimenti tal-ikel kif iddefinit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE.”

2.3.6

Barra minn hekk, il-proposta tinkludi definizzjonijiet oħrajn ta’ kunċetti bażiċi bħal “ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi” u “storja ta’ użu sikur tal-ikel”.

2.3.7

L-ikel ġdid għandu jkun soġġett għall-evalwazzjoni tas-sigurtà u għal awtorizzazzjoni permezz ta’ proċedura kompletament armonizzata.

2.3.8

Il-proposta tistabbilixxi li fl-UE ser ikunu jistgħu jinbiegħu biss prodotti tal-ikel ġodda li jidhru fuq il-lista tal-UE u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

ma joħolqux problemi għas-sigurtà fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika disponibbli;

ma jiżgwidax lill-konsumatur;

ma jkunux ta’ żvantaġġ mill-perspettiva tan-nutrizzjoni meta mqabbla ma’ prodott tradizzjonali, jekk l-għan huwa li jintużaw minfloku.

2.3.9

Is-sistema attwali ta’ awtorizzazzjonijiet individwali hija ssostitwita minn sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġeneriċi.

2.3.10

L-awtorizzazzjonijiet kollha ta' ikel ġdid ser jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni li min-naħa tagħha titlob l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-valutazzjoni tar-riskji. Abbażi tal-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni mbagħad tevalwa l-inklużjoni ta' ikel ġdid fil-lista tal-ikel ġdid tal-Unjoni, u f'din il-ħidma tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Annimali (SCFCAH).

2.3.11

Għall-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, hija introdotta valutazzjoni tas-sigurtà u ġestjoni tar-riskju abbażi ta’ esperjenza ta’ użu sigur bħala ikel f'pajjiż terz għal mill-inqas 25 sena.

2.3.12

F’każ li jiġu ppreżentanti oġġezzjonijiet fundamentali dwar is-sigurtà ta' ikel tradizzjonali ta' pajjiż terz, tintalab valutazzjoni mill-EFSA li tiġi segwita minn proċedura simili għal dik li tintuża inġenerali, iżda bi skadenzi iqsar. Abbażi tal-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni tkun tista' timponi s-segwitu ta' wara l-kummerċjalizzazzjoni jekk ikun hemm bżonn għal raġunijiet ta' sigurtà tal-ikel.

2.3.13

Il-proposta tindirizza d-dritt għal protezzjoni tad-data għal perjodu ta' mhux aktar minn 5 snin u f'każijiet ġustifikati kif suppost.

2.3.14

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex jiġi applikat dak li jingħad fir-Regolament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-ikklonjar

3.1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Direttiva, waqt li jqis in-nuqqas tal-għarfien tekniku u xjentifiku disponibbli, il-problemi marbuta mal-benessri tal-annimali u l-oppożizzjoni miċ-ċittadini u l-konsumaturi, iżda jsostni li eventwalment ser ikun hemm bżonn ta' reviżjoni tal-projbizzjoni temporanja tal-ikklonjar tal-annimali fi stennija għal titjib fit-teknika u avvanzi fix-xjenza, fil-qafas internazzjonali u l-kompetittività neċessarja tas-setturi involuti.

3.1.2

Il-KESE jfakkar li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jadottaw id-dispożizzjonijiet li hemm bżonn sabiex “is-sidien jew dawk li jieħdu ħsieb jieħdu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiżguraw il-benesseri tal-annimali taħt il-kura tagħhom u sabiex jagħmlu ċert li dawk l-annimali ma jiġu esposti għal ebda uġigħ, sofferenza jew korriment mingħajr bżonn”. (1)

3.1.3

Il-KESE jemmen li hu importanti ħafna li tinġibed l-attenzjoni fuq ir-rwol deċiżiv tal-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji possibbli assoċjati mal-użu tat-teknika tal-ikklonjar tal-annimali u l-kontribut tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet marbutin mal-użu tal-ikklonjar.

3.1.4

L-EFSA sabet problemi ta' benessri relatati mal-ommijiet surrogati u l-kloni nnifishom (rata għolja ta' aborti, disfunzjoni tal-plaċenta, impjanti f'diversi ommijiet surrogati biex jittieħed klonu, feti b'daqs akbar min-normal, imwiet mat-twelid), u b'hekk l-ikklonjar hija teknika b'rata għolja ta' mwiet.

3.1.5

L-ikklonjar jippreżenta riskji għall-bijodiversità u għall-wirt ġenetiku, u dan iwassal għal problemi fir-rigward tar-reżistenza għar-riskji emerġenti u għall-aġenti żoonotiċi ġodda li jidħlu fl-Ewropa (pereżempju il-virus Schmallenberg).

3.1.6

Il-KESE jqis li l-ikklonjar jista' jkun ta' theddida għall-produzzjoni ta' kwalità u ta' sostenibbiltà fil-katina ekonimika u agroalimentari Ewropea. Barra dan, l-użu aktar mifrux tal-ikklonjar għall-skopijiet agrikoli joħloq ir-riskju ta' trasferiment tal-ġid mingħand dawk li jaħdmu u jipproduċu għal dawk iċ-ċentri ta' riċerka sidien tal-privattivi.

3.2   Kummerċjalizzazzjoni ta' ikel minn kloni tal-annimali

3.2.1

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli l-proposta għal Direttiva u jqis in-nuqqas tal-għarfien tekniku u xjentifiku disponibbli, il-problemi marbuta mal-benessri tal-annimali u l-oppożizzjoni miċ-ċittadini u l-konsumaturi iżda jsostni li eventwalment ser ikun hemm bżonn ta' reviżjoni tal-projbizzjoni temporanja tal-introduzzjoni fis-suq ta' ikel minn kloni tal-annimali, fi stennija għal titjib fit-teknika u avvanzi fix-xjenza, fil-qafas internazzjonali u fil-kompetittività tas-setturi involuti.

3.2.2

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li tkun salvagwardata l-fiduċja tal-konsumaturi iżda, minħabba n-nuqqas ta' strumenti analitiċi tajbin biżżejjed biex jiddistingwu l-kloni u l-frieħ tagħhom mill-annimali mwielda b'mod konvenzjonali u n-nuqqas ta' sistemi ta' traċċabbiltà u ttikettar ċari u sikuri, iwissi dwar il-possibbiltà ta' impatti negattivi futuri fuq is-suq tal-prodotti tal-animali.

3.2.3

Il-KESE jinnota li sal-lum qatt ma ġiet ippreżentata applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex jitqiegħed fis-suq ikel prodott permezz tat-teknika tal-ikklonjar.

3.2.4

Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol tal-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji possibbli assoċjati mal-użu tat-teknika tal-ikklonjar.

3.2.5

Il-KESE jenfasizza li fil-valutazzjonijiet imwettqa mill-EFSA, m'hemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi differenza rigward is-sigurtà tas-saħħa fil-laħam u l-ħalib ta' kloni u l-wild tagħhom meta mqabbla ma’ dawk tal-annimali mrobbija b’mod konvenzjonali.

3.2.6

Il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel li jkun ġej minn annimali kklonjati mhijiex ibbażata fuq ir-riskji għas-sigurtà tas-saħħa magħrufin iżda fuq kwistjonijiet etiċi u ta' benessri tal-annimali.

3.3   Ikel ġdid

3.3.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta għar-reviżjoni tal-leġislazzjoni fis-seħħ dwar ikel ġdid peress li kienet ilha mill-1997 u wara 17-il sena saru innovazzjonijiet importanti.

3.3.2

Il-KESE jqis li l-proposta għandu tkun ċara u kompluta biżżejjed biex l-operaturi jkunu jistgħu japplikawha.

3.3.3

Il-KESE jemmen li biex isiru avvanzi fis-suq uniku hemm bżonn u jkun utli li tiġi stabbilita proċedura ta' awtorizzazzjoni ċentralizzata u sistema armonizzata ta' sanzjonijiet.

3.3.4

Il-KESE ifaħħar lill-Kummissjoni għar-rwol rilevanti li tagħti lill-EFSA fil-valutazzjoni tar-riskji tal-ikel ġdid, li ser iwassal għas-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-industrija nnifisha.

3.3.5

Il-KESE jaħseb li l-kunċett ta' ikel destinat għall-“konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti” mhuwiex ċar biżżejjed.

3.3.6

Il-KESE josserva l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ċari li permezz tagħhom tiġi ġġustifikata “l-esperjenza ta’ użu sigur bħala ikel fi kwalunkwe pajjiż terz”, rekwiżit mitlub biex ikun jista' jiġi awtorizzat ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi.

3.3.7

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-kunfidenzjalità tad-data li l-applikant jippreżenta għall-awtorizzazzjoni ta' ikel ġdid.

3.3.8

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li l-miżuri tranżitorji previsti fil-proposta jidħlu aktar fil-fond u jiġu ċċarati.

3.3.9

Il-KESE jqis importanti li l-Kummissjoni tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Annimali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-ikklonjar

4.1.1

L-ikklonjar mhijiex teknika li qed tintuża bħalissa fl-UE għal skopijiet ta' biedja.

4.1.2

Madankollu, l-ikklonjar isir f'pajjiżi bħall-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada u l-Istati Uniti, avolja dawn il-pajjiżi ma setgħux jippreċiżaw sa liema punt jiġu prodotti annimali kklonjati.

4.1.3

Iċ-ċittadini tal-UE esprimew il-fehma tagħhom, ġeneralment negattiva, dwar l-użu tat-teknika tal-ikklonjar għar-riproduzzjoni għal skopijiet ta’ biedja.

4.1.4

Peress li l-proposta għal Direttiva titlob għall-projbizzjoni provviżorja tal-ikklonjar tal-annimali u tal-introduzzjoni fis-suq ta' annimali u kloni ta' embrijuni fl-UE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji ta' kampjuni u ta' kontroll biex jiżguraw il-konformità mal-miżura adottata.

4.1.5

Madanakollu għadha ma teżistix metodoloġija ta' analiżi vvalidata, akkreditata u armonizzata f'dan il-qasam. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu bidu għall-ħidma meħtieġa dwar dan.

4.1.6

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jarmonizzaw is-sistemi ta' sanzjonijiet applikabbli f'każ ta' ksur, sabiex jiġi evitat li xi pajjiżi jkunu aktar permissivi jew laxki li jista' jwassal għal “kompetizzjoni għall-aktar livell baxx” bejniethom.

4.2   Kummerċjalizzazzjoni ta' ikel minn kloni tal-annimali

4.2.1

Peress li l-proposta għal Direttiva titlob għall-projbizzjoni provviżorja tal-ikklonjar tal-annimali u tal-introduzzjoni fis-suq ta' annimali u kloni ta' embrijuni fl-UE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji ta' kampjuni u ta' kontroll biex jiżguraw il-konformità mal-miżura adottata.

4.2.2

Madanakollu għadha ma teżistix metodoloġija ta' analiżi vvalidata, akkreditata u armonizzata f'dan il-qasam. Għaldaqstant, hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu bidu għall-ħidma meħtieġa dwar dan.

4.3   Ikel ġdid

4.3.1   Definizzjoni ta' “ikel ġdid”

Il-KESE jqis li d-definizzjoni ta' ikel ġdid tal-proposta hija bbażata fuq il-konsum u li għandha tkun aktar preċiża biex jiġi evitat li jidħlu f'din id-definizzjoni prodotti tal-ikel li mhumiex ikel ġdid (pereżempju pizza b'għamla ġdida).

4.3.2   Il-kunċett ta' tibdil sinifikanti

Il-KESE josserva li għandhom jingħataw dettalji tal-kriterji biex jiġu stabbiliti dak li wieħed jifhem b'tibdil sinifikanti sabiex jiġi determinat jekk ikel ġdid jidħolx fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-proposta.

4.3.3   Il-kunċett ta' jekk “l-ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti”

Il-KESE jinsab perpless bil-kunċett ta' jekk “l-ikel intużax għall-konsum mill-bniedem sa grad sinifikanti” minħabba l-ambigwità tiegħu (f'reġjun? f'pajjiż? f'żona ġeografika? rigward popolazzjoni speċifika?).

4.3.4   Proċedura ċentralizzata ta' awtorizzazzjoni

F'Opinjoni oħra (2) li fil-bażi tagħha għadha valida, f'dan ir-rigward il-KESE indika li “Huwa importanti ferm li l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel ġodda jiġu ċentralizzati (EFSA u Kummissjoni Ewropea), iżda għandha wkoll tiġi stabbilita proċedura sempliċi, ċara, effikaċi, dettaljata u bi skadenzi.”

Minkejja li fil-proposta jissemmew xi skadenzi (pereżempju disa' xhur biex l-EFSA toħroġ l-opinjoni tagħha, disa' oħra biex il-Kummissjoni tippreżenta l-att ta' implimentazzjoni korrispondenti tagħha biex tawtorizza ikel ġdid), hemm bżonn ta' aktar ċarezza u preċiżjoni b'mod li l-operatur ikun jaf id-dettalji marbutin mal-istat tas-sitwazzjoni tal-applikazzjoni ppreżentata.

4.3.5   Listi

F'din l-Opinjoni, il-KESE indika li: “L-inizjattiva li jitfasslu listi (Artikoli 5, 6 u 7) li fihom jiġu inklużi l-prodotti ta’ l-ikel ġodda għandha tikkontribwixxi għat-titjib ta’ l-informazzjoni tal-konsumaturi u biex tagħti sigurtà legali ikbar lill-operaturi. Il-mudell ibbażat fuq il-listi m’huwa xejn ġdid, billi l-użu tal-listi qiegħed isir dejjem iktar komuni (wieħed jista’ jara r-Regolament dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa u r-Regolament dwar iż-żieda fl-ikel ta’ vitamini u minerali, fost oħrajn).”

Din l-osservazzjoni għadha valida sal-aħħar, ħlief għall-fatt li l-lista li bħalissa qed tipproponi l-Kummissjoni ser tkun waħda biss, u mhux żewġ listi separati.

4.3.6   Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

F'din l-Opinjoni l-KESE jindika li: “L-iżvilupp ta’ prodotti tal-ikel ġodda jitlob impenn u investiment min-naħa ta’ l-intrapriżi fl-ambitu tar-riċerka u l-iżvilupp u għalhekk dawn għandhom jiġu pprovduti bi proċeduri sempliċi, effikaċi u ekonomikament vijabbli. L-għarfien u l-iżviluppi għandhom jitħarsu b’mod li ma jxekkilx il-kompetittività. L-ambitu ta’ applikazzjoni tal-ħarsien tad-data tal-intrapriżi mhuwiex definit b’mod ċar fil-proposta (din tirreferi esklużivament għall-awtorizzazzjonijiet, dak li jiġri f’każ fejn applikazzjoni ma tiġix aċċettata, eċċ.).”

Barra minn hekk, f'din l-Opinjoni jingħad li: "Jekk ir-Regolament il-ġdid jiġi pprovdut bi strument bħall-ħarsien tad-data, l-intrapriżi jkunu jistgħu jħossuhom iktar sikuri fir-rigward tar-riżorsi ekonomiċi u umani li jinvestu fl-iżviluppi l-ġodda. Għalihom il-ħarsien tad-data jsir strument li jagħtihom il-protezzjoni li jeħtieġu sabiex ikomplu jinnovaw u jkunu dejjem iktar kompetittivi f’kuntest fejn is-suq u l-konsumaturi huma dejjem iktar eżiġenti.

Dawn l-osservazzjonijiet jibqgħu kompletament validi.

Brussell, 30 ta' April 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE (Artikolu 3).

(2)  C 224 tat-30.8.2008, p. 81.


12.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 311/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-bini tan-Netwerk Ewlieni tat-Trasport: Il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”

COM(2013) 940 final

2014/C 311/13

Relatur: is-Sur Coulon

Korelatur: is-Sur Back

Nhar it-13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-bini tan-Netwerk Ewlieni tat-Trasport: Il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

COM(2013) 940 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ April 2014.

Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta’ April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 voti favur, 4 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni bħala appoġġ sinifikanti u ta' għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlenin u l-proġetti predefiniti fi ħdanhom, kif definiti fit-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ir-Regolament CEF (UE) Nru 1316/2013), abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (il-Linji Gwida – Regolament (UE) Nru 1315/2013).

1.2

Il-KESE japprezza li l-Komunikazzjoni tiffoka fuq is-sistema ta' governanza bħala l-mutur ewlieni ta' implimentazzjoni effiċjenti u l-appoġġ li hija tagħti għall-iżvilupp tal-pjani ta' ħidma għall-Kurituri tan-Netwerk Ewlenin bħala pass lejn pjanar transkonfinali koordinat fil-kurituri sabiex tintlaħaq kapaċità koerenti u jiġu evitati l-ostakli.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' interazzjoni armonjuża u effiċjenti bejn il-Koordinaturi, li l-attività tagħhom se tkun il-fattur ewlieni għal implimentazzjoni effiċjenti, tal-Fora tal-Kurituri bil-gruppi ta' ħidma tagħhom, u b'mod partikolari tal-partijiet interessati pubbliċi u privati f'livelli differenti, inkluża s-soċjetà ċivili.

1.4

Il-KESE jinnota li l-iżgurar ta' koordinazzjoni ċara u koerenti se jkun diffiċli ħafna, meta wieħed iqis l-ambitu ġeografiku tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlenin u l-ħtieġa biex ikun hemm koordinazzjoni ma' inizjattivi oħrajn, bħal pereżempju l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija stabbiliti taħt ir-Regolament (KE) 913/2010, l-inizjattiva NAIADES II għall-iżvilupp ta' passaġġi fuq l-ilma interni, l-Awtostradi tal-Baħar u s-sistema għall-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju ERTMS, kif ukoll il-ħtieġa biex issir koordinazzjoni ma' partijiet interessati privati u pubbliċi. Jidher li hemm għodod disponibbli, pereżempju l-użu ta' gruppi ta' ħidma, biex tiġi solvuta din il-problema.

1.5

Fid-dawl tal-fatt li r-rwol tal-KESE huwa bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-soċjetà ċivili u meta wieħed iqis l-inizjattiva biex jinbeda djalogu parteċipattiv mas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport tal-2011 (1), aħna naħsbu li l-parteċipazzjoni ta' rappreżentant tal-KESE fil-ħidma ta' kull Forum tal-Kurituri se ġġib magħha valur miżjud.

1.6

F'dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza li s-sistema ta' governanza tkun tista' tinftiehem faċilment u tkun trasparenti. Il-KESE jittama li jsiru l-isforzi adegwati sabiex jiġi żgurat li dan l-objettiv importanti jintlaħaq sabiex jitjiebu l-interess u l-appoġġ tal-pubbliku għall-implimentazzjoni tat-TEN-T.

1.7

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol potenzjali ta' studji preliminari ta' proġetti li jsiru bir-reqqa u b'mod imparzjali bħala element li jista' wkoll jaqdi rwol importanti bħala aspett ta' qafas għal djalogu trasparenti. Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll lill-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim.

1.8

Madanakollu, il-KESE jara dgħufijiet fundamentali fl-effikaċja ta' sistema ta' governanza li ma' kull punt ta' teħid ta' deċiżjoni hija kompletament dipendenti fuq il-kunsens tal-Istati Membri u mhijiex appoġġata minn sistema b'saħħitha ta' infurzar legali meta l-għanijiet stabbiliti fil-Linji Gwida jew fir-Regolament CEF ma jiġux implimentati b'mod adegwat.

1.9

Meta wieħed iqis il-karattru flessibbli tal-miżuri legali fi ħdan is-sistema ta' governanza, mibni fuq il-kunsens tal-Istati Membri u s-sidien tal-infrastruttura bħala prerekwiżit neċessarju għad-deċiżjonijiet bażiċi dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura u bini ġdid, il-kofinanzjament tal-UE jsir partikolarment importanti. Fil-fehma tal-KESE, il-konfinanzjament tal-UE jrid jintuża b'mod konsistenti bħala mezz kif jintlaħqu ftehimiet ta' bini miftiehma u l-ikkompletar f'waqtu tagħhom. Irreferi għall-punt 4.7 hawn taħt.

1.10

Bl-istess mod, il-KESE huwa mħasseb dwar ir-riżorsi baġitarji limitati disponibbli fil-livell tal-UE u l-pass bil-mod u l-prospettivi mhux ċari li taħthom jidher li qed jiżviluppaw mekkaniżmi ta' finanzjar alternattivi bħal bonds tal-proġetti u sħubijiet bejn il-privat u l-pubbliku.

2.   Introduzzjoni

2.1

F'Diċembru 2013 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw il-Linji Gwida u r-Regolament CEF.

2.2

Il-Linji Gwida jipprovdu qafas ġdid għall-bini ta' netwerk multimodali għal infrastruttura transkonfinali sabiex tiġi faċilitata l-mobilità effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli ta' nies u prodotti fi ħdan l-UE sabiex jitjiebu l-aċċessibilità u l-kompetittività fl-Unjoni Ewropea b'orizzont 2030/2050.

2.3

Il-kofinanzjament tal-UE tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasport u prijoritajiet relatati għall-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP) huma stabbiliti fir-Regolament CEF.

2.4

Flimkien, il-Linji Gwida u r-Regolament CEF huma element importanti fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-White Paper tal-2011 dwar il-Politika tat-Trasport.

2.5

L-għanijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni “Il-bini tan-Netwerk Ewlieni tat-Trasport: Il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (COM (2013) 940) (Il-Komunikazzjoni) huma dawn:

Tispjega kif il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-istruttura ġestjonali tagħhom.

Tipprovdi informazzjoni dwar il-baġit disponibbli, l-iżvilupp ta' strumenti ta' finanzjament u prijoritajiet ta' finanzjament.

Tiggwida applikanti/benefiċjarji fir-rigward tal-ġestjoni tal-proġett u l-aspettattivi tal-Kummissjoni.

2.6

Biex takkumpanja 'l-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-metodu ta' ppjanar użat meta jiġu definiti n-netwerks komprensivi u ewlenin stipulati fil-Linji Gwida (SWD (2013) 542).

3.   L-elementi ewlenin tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni tipprovdi spjegazzjoni dwar ir-rwol u l-funzjonament tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni. Tenfasizza r-rwol tal-Koordinaturi Ewropej, u tal-Forum tal-Kurituri, possibbilment bl-għajnuna tal-gruppi ta' ħidma, bħala korp konsultattiv u pont bejn il-Koordinaturi u l-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet fil-livelli kollha u partijiet interessati oħra.

3.2

Huwa deskritt ir-rwol tal-Koordinaturi u tal-Forum fit-tfassil tal-pjan ta' ħidma għal kull kuritur sa Diċembru 2014, kif ukoll ir-rwol deċiżiv tal-Istati Membri kkonċernati matul il-proċess ta' implimentazzjoni, inklużi l-kompożizzjoni tal-Forum u l-approvazzjoni tal-pjan ta' ħidma. Il-pjan ta' ħidma se jiġi rivedut fl-2017, fl-istess waqt tal-pjan ta' ħidma li se jiġi stabbilit mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tar-Regolament CEF, u fl-2023. Il-pjan ta' ħidma se janalizza s-sitwazzjoni attwali tal-kuritur u jiddefinixxi ħtiġijiet bħal ostakli, problemi ta' interoperabilità, inklużi ostakli amministrattivi u oħrajn simili għal servizzi tat-trasport multimodali u sostenibbli, u jipproponi soluzzjonijiet, inkluż finanzjament.

3.3

Il-Komunikazzjoni ssemmi biss fil-qosor iż-żewġ koordinaturi orizzontali, għall-Awtostradi tal-Baħar u l-ERTMS (is-sistema ta' sinjali ferrovjarji komuni).

3.4

Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll l-importanza ta' kooperazzjoni bejn Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u d-disa' Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija maħluqa taħt ir-Regolament (KE) 913/2010 u li għandhom jiġu rappreżentati fil-Forum tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni. Barra minn hekk, jissemmew proġetti oħra u l-Komunikazzjoni tesprimi t-tama li l-partijiet interessati involuti f'dawn il-proġetti se jieħdu interess fil-fora tal-kurituri u jikkontribwixxu għall-pjan ta' ħidma tal-Kuritur.

3.5

L-Inizjattiva Marco Polo se tkompli iżda se tkun iffinanzjata bħala kwistjoni ta' servizzi ta' trasport tal-merkanzija innovattivi u sostenibbli marbuta mal-Linji Gwida u ffinanzjata taħt ir-Regolament CEF.

3.6

Il-bqija tal-Komunikazzjoni tindirizza prijoritajiet ta' finanzjament taħt ir-Regolament CEF, u l-prijorità tingħata lil proġetti tal-Kurituri (transkonfinali, ostakli u multimodali). Hemm ukoll tqassim tal-prijoritajiet ta' finanzjament barra mill-kurituri, inkluż ammont żgħir għal proġetti tan-netwerk komprensiv.

3.7

Il-Komunikazzjoni tindika l-prinċipji ġestjonali tagħha għal għotjiet u l-aspettattivi tagħha mill-proġetti. Tindika li l-Kummissjoni żżomm il-prerogattiv li tiffinanzja proġett parzjalment jekk parti minnu taqa' barra mill-prijoritajiet stipulati. Dewmien jew ġestjoni ħażina ta' proġetti jistgħu jwasslu biex il-finanzjament jitnaqqas jew jitneħħa u jiġi allokat mill-ġdid. L-intensità tal-finanzjament tal-ħidmiet fil-limiti stipulati fir-Regolament CEF se tkun ibbażata l-iżjed fuq analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-pjani ta' ħidma tal-kurituri.

3.8

Mit-total ta' EUR 26,3 biljun disponibbli għat-TEN-T għall-perjodu 2014-2020, EUR 11,3 biljun huma riżervati għall-pajjiżi ta' koeżjoni. L-ammont riżervat għal pajjiżi ta' koeżjoni se jmur kompletament għal proġetti predefiniti fuq in-netwerk ewlieni f'dawk il-pajjiżi, kif definiti fl-Anness I tar-Regolament CEF. L-allokazzjoni se tkun konsistenti mal-prinċipji tal-Fond ta' Koeżjoni fir-rigward tal-allokazzjoni skont il-pajjiż matul is-snin 2014-2016. L-intensità tal-finanzjament se tkun ogħla mil-limiti massimi normali tat-TEN-T, peress li se jiġu applikati l-prinċipji tal-fond ta' koeżjoni. Inkella, il-prinċipji ta' governanza u ta' ġestjoni jkunu l-istess. Se jsir sforz biex jiġu appoġġjati attivitajiet tal-programm fil-pajjiżi ta' koeżjoni.

3.9

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tagħti deskrizzjoni qasira ta' pjani ta' żvilupp u riżorsi riżervati għall-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji. Il-konklużjoni hija li l-ammont riżervat għal dan il-proġett se jiddipendi l-iżjed fuq kemm dawn l-istrumenti jidħlu fis-suq.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni bħala għodda ta' valur għall-partijiet interessati b'interess fl-iżvilupp tan-netwerk TEN-T. Għalkemm l-iżjed li hija ta' valur miżjud huwa għall-partijiet interessati b'interess fi proġett predefinit fl-Anness I tar-Regolament CEF u li huma f'Kurituri tan-Netwerk Ewlieni jew huma involuti f'kuritur, hija ta' interess ukoll għall-atturi l-oħrajn.

4.2

Fuq għadd ta' punti l-Komunikazzjoni timxi lil hinn mit-test tal-Linji Gwida u tar-Regolament CEF u ttejjeb il-possibilitajiet għall-partijiet interessati biex ikunu proattivi u jottimizzaw l-ippjanar tagħhom. Il-KESE jinnota li għadd ta' kwistjonijiet li tqajmu fil-Komunikazzjoni tqajmu wkoll mill-KESE fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-proposta għal-Linji Gwida (2) u l-proposta għar-Regolament CEF (3).

4.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni għandha l-kwalitajiet neċessarji biex tkun għodda utli għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tat-TEN-T u biex tispira mġiba li ttejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn dawk ikkonċernati kif ukoll effetti ta' sinerġija bejn il-programmi differenti indikati fil-Komunikazzjoni.

4.4

Madanakollu, il-KESE jixtieq jagħmel għadd ta' osservazzjonijiet sabiex jikkjarifika ċerti punti bil-għan li l-Komunikazzjoni tkun tista' taqdi r-rwol tagħha b'mod iktar effettiv.

4.5

L-istruttura ta' governanza – bil-Koordinatur, il-Forum tal-Kurituri u l-pjan ta' ħidma għal kull Kuritur tan-Netwerk Ewlieni – għandha l-kapaċità li tħaffef l-implimentazzjoni tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u t-twettiq tal-proġetti predefiniti fi ħdanhom, kif kien mistenni. Għaldaqstant, huwa importanti li tiġi stabbilita l-istruttura ta' governanza u li tibda taħdem mill-iktar fis possibbli. Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Komunikazzjoni f'termini tal-ippjanar tal-proċess tat-tnedija tas-sistema ta' governanza u t-tfassil tal-pjan ta' ħidma.

4.6

Madanakollu, il-KESE jixtieq jieħu din l-opportunità biex jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-sistema ta' governanza proposta inizjalment għall-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni ddgħajfet xi ftit meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni għal-Linji Gwida (COM/2011/0650 final/2 – 2011/0294 (COD)). Fil-fehma tal-KESE, huwa vitali kontroll adegwat tal-implimentazzjoni.

4.7

Meta wieħed iqis dawn iċ-ċirkostanzi, il-KESE jenfasizza l-importanza partikolari ta' ppjanar ta' kostruzzjoni fiss li jiġi kkoordinat u miftiehem bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u s-sidien tal-infrastruttura. Dan se jkun fattur deċiżiv ta' suċċess għat-titjib tat-TEN-T. Fil-fehma tal-KESE għandu jkun wieħed mill-kompiti ewlenin tal-koordinaturi sabiex dawn il-proċeduri ta' koordinazzjoni jiġu megħjuna u jwasslu għal ftehimiet vinkolanti, u biex jeżerċitaw l-influwenza tagħhom biex dawn il-ftehimiet ikunu ta' suċċess. Il-ħlas ta' finanzjament tal-UE jista' jintuża sabiex jiġu żgurati kemm il-ftehimiet kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom.

4.8

Min-naħa l-oħra, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet dwar koordinazzjoni ma' partijiet interessati pubbliċi u privati fl-Artikolu 50 tal-Linji Gwida bħala bażi għal djalogu kulturali li huwa espress ukoll fil-Komunikazzjoni (4). Il-KESE jirrimarka li huwa importanti li d-djalogu, anke mal-pubbliku ġenerali, jibda kmieni, sabiex tinħoloq trasparenza u tinbena l-fiduċja.

4.9

Fir-rigward tal-azzjoni tal-Koordinatur, il-KESE jenfasizza l-importanza tad-dmirijiet tal-Koordinaturi u l-opportunitajiet inerenti għal dan il-post biex jiġu solvuti problemi u jsir kontribut biex il-Kuritur ikkonċernat jimxi 'l quddiem. Barra minn hekk, il-Koordinaturi għandhom responsabbiltà sinifikanti biex jiżguraw li l-iżvilupp tal-Kurituri, b'mod globalment armonjuż, isir parti mill-iżvilupp ta' Żona Ewropea tat-Trasport unifikata, interoperabbli mil-lat tekniku, sostenibbli u produttiva. Biex dan iseħħ, prerekwiżit importanti huwa li l-Koordinatur jingħata riżorsi segretarjali adegwati.

4.10

Il-KESE jenfasizza li, kemm għall-kredibilità kif ukoll sabiex jiġi żgurat kontribut utli massimu, il-Forum tal-Kurituri għandu jinkludi rappreżentanti tal-gruppi kollha tal-partijiet interessati, inklużi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-atturi tas-suq, l-impjegati mis-setturi kollha kkonċernati, l-imsieħba soċjali u l-utenti.

4.11

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' koerenza bejn l-ippjanar fil-pjani ta' ħidma tal-Kurituri u l-pjan ta' ħidma pluriennali li se jiġi deċiż mill-Kummissjoni taħt ir-Regolament CEF. Madanakollu, il-KESE jassumi li dan mhux ħa joħloq problema, meta wieħed iqis il-prijoritajiet komuni stipulati fil-Komunikazzjoni u l-lista ta' proġetti predefiniti fl-Anness I għar-Regolament CEF. Peress li jidher li l-pjani rispettivi se jitfasslu b'mod parallel, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-istruzzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni f'dan ir-rigward, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida u tar-Regolament CEF.

4.12

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-importanza li l-Komunikazzjoni bir-raġun tagħti lill-koordinazzjoni tal-attitivatjiet tal-Kurituri mal-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija (Regolament (UE) Nru 913/2010), il-programm NAIADES II għall-passaġġi tal-ilma interni (COM/2013/0623 final), l-inizjattiva tal-portijiet biex titjieb l-effiċjenza tal-portijiet (COM/2013/0295 final) u proġetti ta' żvilupp u sostenibbilità, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ħidma u biex jinħolqu sinerġiji. Il-KESE jiddispjaċih ukoll li m'hemmx sistema għal din il-koordinazzjoni u l-ebda dispożizzjoni legali, bl-eċċezzjoni tal-obbligu stabbilit fil-Linji Gwida għal kooperazzjoni bejn il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija, fejn hemm ukoll dispożizzjoni li tistipola li l-kurituri ferrovjarji rilevanti għandhom jiġu rappreżentati fil-Forum tal-Kurituri. Il-KESE jaħseb jekk ma jkunx utli li tal-inqas tiġi żgurata rappreżentazzjoni fil-Forum tal-Kurituri ta' proġetti jew programmi oħra ma' proġetti li huma rilevanti għal kull Kuritur. Eżempju wieħed ta' proġett huwa “Swiftly Green”, li huwa proġett transkonfinali tat-tip ta' Kuritur Ekoloġiku (Green Corridor) b'konfigurazzjoni ġeografika li tagħmilha rilevanti għall-Kuritur tal-Netwerk Ewlieni Nordiku-Mediterran. Meta wieħed iqis l-importanza li l-Komunikazzjoni tagħti lill-Awtostradi tal-Baħar, dan jista' jkun il-każ ukoll bil-proġetti li għaddejjin bħalissa tal-Awtostradi tal-Baħar fuq Kuritur speċifiku. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jiddikjara li trid titqies il-ħidma li diġà twettqet u jintużaw kemm jista' jkun l-infrastrutturi li diġà jeżistu.

4.13

Jista' jagħti l-każ li jinqalgħu kwistjonijiet simili għal dawk bejn tipi differenti ta' kurituri jew proġetti, meta kurituri ewlenin tan-netwerk jiltaqgħu jew jikkoinċidu. Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li jinstabu modi kif jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet b'mod trasparenti u effiċjenti fl-użu ta' riżorsi.

4.14

Il-KESE jinnota d-dualiżmu inerenti bejn l-istruttura ta' governanza tal-kurituri u d-deċiżjonijiet ta' finanzjament, li jittieħdu mill-Kummissjoni, skont kriterji speċifiċi u indipendentement mill-istruttura ta' governanza tal-kurituri. F'dan ir-rigward, il-KESE japprezza l-istqarrija fil-Komunikazzjoni li tirrikonoxxi r-rilevanza tal-pjani ta' ħidma tal-kurituri fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament.

4.15

Filwaqt li jinnota l-importanza, f'termini prattiċi u formali, tal-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni u l-istruttura ta' governanza tagħhom, u l-enfasi fuqhom kemm f'termini ta' riżorsi amministrattivi kif ukoll finanzjament, il-KESE jixtieq itenni l-mistoqsija li diġà staqsa fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal-Linji Gwida dwar jekk il-Kurituri tan-Netwerk Ewlieni humiex fil-fatt tielet kategorija, u fl-ogħla post, fin-netwerk TEN-T (5).

4.16

Il-KESE jaqbel mal-prijoritajiet espressi fil-Komunikazzjoni u jieħu nota tal-prijorità għolja li ngħatat lill-konnessjonijiet ferrovjarji u lill-Awtostradi tal-Baħar, b'mod partikolari bejn gżejjer jew peniżoli u l-kontinent u lil miżuri biex titnaqqas -impronta tal-gassijiet b'effett ta' serra tat-trasport. F'dan il-kuntest, il-KESE jinnota l-konnessjonijiet tal-baħar madwar il-Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana mal-Bajja ta' Biscay, u bejn għadd ta' portijiet fil-Mediterran, li kollha kemm huma għandhom il-karatteristika li jnaqqsu d-distanzi tat-trasport fuq l-art u/jew jiżviluppaw trasport kombinat.

4.17

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-inadegwatezza tar-riżorsi baġitarji tal-UE disponibbli u l-mistoqsijiet dwar il-possibilitajiet biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' finanzjament alternattivi, inklużi bonds tal-proġetti u sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jinnota li s-somma tal-ammonti ssuġġerita għall-kofinanzjament tal-UE fir-rigward tal-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tidher li tiżboq is-somma disponibbli għal finanzjament. M'hemm xejn li jindika li tqisu, jew sa liema punt tqisu, il-possibilitajiet li jintużaw strumenti finanzjarji.

5.2

Il-Komunikazzjoni tagħti importanza konsiderevoli lill-analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji bħala għodda għall-valutazzjoni ta' proġett. Fir-rigward ta' proġetti f'pajjiżi ta' koeżjoni, il-Komunikazzjoni tirreferi għal metodu speċifiku użat għall-kalkolu tal-ispejjeż u l-benefiċċji meta qed jintużaw il-fondi ta' koeżjoni. Dan il-metodu ma jissemmix fir-rigward ta' pajjiżi mhux ta' koeżjoni, fejn issir referenza minflok għal metodu rikonoxxut. Il-KESE jistaqsi jekk metodu rakkomandat wieħed jew iktar jistgħux jiġu ssuġġeriti, pereżempju meta jsiru s-sejħiet. Dan jista' jtejjeb it-trasparenza u joħloq sitwazzjoni ta' kundizzjonijiet indaqs. Ikun ifisser li jsir pass wieħed iżjed lil hinn mill-pubblikazzjoni tal-prinċipji fundamentali għall-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-valur miżjud Ewropew imsemmi fl-Artikolu 51 tal-Linji Gwida.

5.3

Il-KESE f'dan il-kuntest ifakkar fil-ħtieġa li jiġu meqjusa aspetti soċjali, ambjentali kif ukoll ekonomiċi meta jiġu eżaminati l-proġetti, skont l-istrateġija UE 2020. Dan jinkludi li jiġi assigurat li l-infrastruttura ppjanata tikkorrispondi għall-ħtiġijiet reali u li se tintuża b'mod adegwat.

5.4

L-għażla msemmija fir-Regolament CEF sabiex jiżdied l-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi għall-finanzjament tat-TEN-T hija indirizzata fil-qosor ħafna fil-Komunikazzjoni. Il-kwistjoni ewlenija msemmija hija ta' aċċettazzjoni possibbli mis-suq, li s'issa tidher li hija kwistjoni miftuħa. Il-KESE jieħu nota ta' dan u jirreferi għall-kummenti tiegħu fl-Opinjonijiet imsemmija hawn fuq dwar il-proposta għal-Linji Gwida u l-proposta għar-Regolament CEF u l-Opinjoni tiegħu dwar l-Inizjattiva tal-Bonds għall-Proġetti (6). F'dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-reazzjoni favorevoli tas-suq għal proġetti mnedija matul il-perjodu ta' ttestjar tal-bonds għall-proġetti u l-evalwazzjoni li ġejja tal-perjodu ta' ttestjar tal-bonds għall-proġetti.

Brussell, 29 ta' April 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170.

(2)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 130.

(3)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134.

(4)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 170.

(5)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 130.

(6)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134.