ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 183

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
14 ta' Ġunju 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2014/C 183/01

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

1

2014/C 183/02

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2014-2015

5

2014/C 183/03

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017)

12

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2014/C 183/04

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

18

2014/C 183/05

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema

22

2014/C 183/06

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi

26

2014/C 183/07

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ

30

2014/C 183/08

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli

36

2014/C 183/09

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Isport

39

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kunsill

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-ħarsa ġenerali lejn il-proċess ta’ djalogu strutturat inkluż l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

2014/C 183/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   FILWAQT LI JFAKKRU LI

1.

Ir-“Riżoluzzjoni” tal-Kunsill dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ (2010-2018) (1) irrikonoxxiet li ż-żgħażagħ kollha huma riżorsa għas-soċjetà u enfasizzat l-importanza li jiġi appoġġat id-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ linji ta’ politika li jaffettwawhom permezz ta’ djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

2.

Ir-Riżoluzzjoni tas-27 ta’ Novembru 2012 (2) tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħarsa ġenerali lejn id-djalogu strutturat maż-żgħażagħ dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa, stqarret li l-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għat-tielet ċiklu ta’ 18-il xahar (il-perijodu mill-1ta’ Jannar 2013sat-30 ta’ Ġunju 2014) hija l-inklużjoni soċjali.

II.   JIRRIKONOXXU LI

3.

Id-djalogu strutturat huwa proċess parteċipattiv u l-eżitu tat-tielet ċiklu ta’ 18-il xahar huwa bbażat fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet nazzjonali matul il-Presidenza Irlandiża, dik Litwana u dik Ellenika, kif ukoll il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Dublin f’Marzu2013, f’Vilnjus f’Settembru 2013 u f’Tessalonika f’Marzu 2014.

4.

Il-konklużjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Dublin iffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: l-impjiegi, il-parteċipazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-għodod ta’ appoġġ (is-servizzi soċjali u għaż-żgħażagħ), l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-kwalità tal-ħidma taż-żgħażagħ, li ġew ippreżentati lill-Ministri taż-Żgħażagħ fil-Kunsill EYCS f’Mejju 2013 (3).

5.

Il-konklużjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Vilnjus iffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: l-edukazzjoni, il-gwida, it-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg, il-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-awtonomija, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transettorali, li ġew ippreżentati lill-Ministri taż-Żgħażagħ fil-Kunsill EYCS f’Novembru 2013 (4).

6.

Ir-Rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ ta’ Tessalonika ffokaw fuq il-prijoritajiet li ġejjin: edukazzjoni ta’ kwalità, transizzjoni ta’ kwalità, impjiegi ta’ kwalità, djalogu u tagħlim bejn il-ġenerazzjonijiet, inklużjoni attiva, l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u l-intraprenditorija soċjali (5).

7.

Skont il-programm Erasmus+ isiru disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament imtejba biex jappoġġaw id-Djalogu Strutturat, inklużi għotjiet annwali diretti lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali.

8.

Ir-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tas-27 ta’ Novembru 2012 (6) inkluda valutazzjoni tad-Djalogu Strutturat u ssuġġerixxa li l-proċess jista’ jiġi żviluppat aktar permezz ta’ aktar valutazzjoni tal-proċess u l-eżitu tad-Djalogu Strutturat, billi s-sħubija tal-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali ssir aktar inklużiva fir-rigward taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti differenti kollha u billi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu mħeġġa biex jieħdu kont aktar sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet miż-żgħażagħ.

9.

Valutazzjoni tad-Djalogu Strutturat għandha tifforma parti mit-tieni Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u tinkludi ħarsa ġenerali lejn il-kunsiderazzjoni tal-eżiti tad-Djalogu Strutturat fil-livell nazzjonali u l-livell tal-UE.

III.   JAQBLU DWAR IL-PRINĊIPJI LI ĠEJJIN GĦALL-IŻVILUPP U T-TITJIB TAL-PROĊESS TA’ DJALOGU STRUTTURAT:

10.

Id-Djalogu Strutturat u l-konsultazzjonijiet b’rabta miegħu għandhom jiffokaw fuq il-prijorità tematika ġenerali diskussa b’mod konġunt miż-żgħażagħ u minn min ifassal il-politika, u stabbilita mill-Kunsill sabiex jiġi żgurat proċess koerenti u kontinwu tul kull wieħed miċ-ċikli tiegħu.

11.

Għandha tiġi stabbilita arkitettura simplifikata u ċara għaċ-ċiklu ta’ Djalogu Strutturat sabiex tiżgura l-kontinwità tat-tema ġenerali u tippermetti l-ġestjoni aħjar tal-ħin f’konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ.

F’ewwel fażi ta’ kull ċiklu, għandhom jiġu żviluppati fost il-partijiet interessati kollha fehim komuni u approċċ kontroġerarkiku għall-prijorità tematika ġenerali stabbilita mill-Kunsill, u dawn għandhom ikunu l-qafas ta’ gwida għad-djalogu li għandu jsir fil-fażijiet sussegwenti.

Fit-tieni fażi, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet u dawn għandhom iwasslu għal soluzzjonijiet possibbli, li għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kunsill u jikkonkludu b’rakkomandazzjonijiet dwar il-prijorità tematika ġenerali.

Fit-tielet fażi, il-fokus prinċipali għandu jkun fuq il-formulazzjoni ta’ azzjonijiet konkreti li ser jiġu ppreżentati lill-Kunsill għal aktar konsiderazzjoni.

12.

Sabiex tiżdied l-firxa milħuqa mid-Djalogu Strutturat, il-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali, megħjuna minn riċerkaturi u ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ, u fejn xieraq f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom ifittxu li jiżguraw l-involviment attiv taż-żgħażagħ, inklużi dawk li ma jkunux ipparteċipaw qabel fid-Djalogu Strutturat. L-informazzjoni dwar iż-żgħażagħ u n-netwerks tal-ħidma taż-żgħażagħ jistgħu jiġu mistiedna jappoġġaw lill-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jilħqu aktar żgħażagħ, fejn ikun adatt.

13.

Sabiex tittejjeb il-kwalità tal-eżitu tal-Konferenzi tal-Presidenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, il-metodi ta’ ħidma u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Konferenzi dwar iż-Żgħażagħ għandhom jiġu evalwati u riveduti. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, b’kont dovut għall-kompetenzi nazzjonali, jistgħu jikkunsidraw mekkaniżmu ta’ feedback għaż-żgħażagħ dwar il-fattibilità tar-rakkomandazzjonijiet li joriġinaw mill-proċess ta’ djalogu strutturat. Fejn adatt, jista’ jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet sabiex tingħata informazzjoni lill-iżvilupp tal-politika u jinkisbu eżiti aħjar għaż-żgħażagħ.

14.

Għandu jinbeda proċess kreattiv u parteċipatorju biex jiżviluppa viżibbiltà Ewropea komuni u mtejba għad-Djalogu Strutturat, li tippermetti “marka korporattiva” nazzjonali u Ewropea tal-proċess. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa s-sezzjoni tal-Portal Ewropew li hija ddedikata għad-Djalogu Strutturat.

IV.   JAQBLU WKOLL LI

15.

Il-prijorità tematika ġenerali tad-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ taċ-ċiklu ta’ ħidma li jmiss (il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2015) hija l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ kif stabbilit fl-Anness II.

16.

L-oqsma ta’ prijorità magħżula jistgħu jiġu kkumplementati minn kull Presidenza fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp possibbli ġdid.

17.

L-oqsma ta’ prijorità għaċ-ċiklu tat-Triju tal-Presidenzi segwenti (mill-1 ta’ Jannar 2016sat-30 ta’ Ġunju 2017) għandhom jiġu ddefiniti qabel il-bidu tal-mandat tiegħu.


(1)  ĠU C 311, 19.12.2009, p.1.

(2)  ĠU C 380, 11.12.2012, p.1.

(3)  Dok. 7808/13.

(4)  Dok. 14177/13.

(5)  Dok. 7862/1/14 REV 1.

(6)  ĠU C 394, 20.12.2012, p.15.


ANNESS I

L-oqsma ta’ prijorità li ġejjin ħarġu mid-djalogu strutturat u l-konferenzi dwar iż-żgħażagħ f’Dublin,Vilnjus u Tessalonika biex tiżdied l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa:

Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha, inkluż permezz tal-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u dak informali bħala mezz biex tingħatalhom is-setgħa jipparteċipaw b’mod attiv fit-tagħlim tul il-ħajja u jżidu l-impjegabbiltà tagħhom,

Il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet edukattivi, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati rilevanti oħra biex jissaħħu r-rabtiet bejn it-tagħlim informali u dak mhux formali u l-edukazzjoni formali sabiex jissaħħu l-kompetenzi prinċipali għal-ħajja taż-żgħażagħ u titrawwem il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà,

Il-promozzjoni ta’ aċċess indaqs taż-żgħażagħ għad-drittijiet u opportunitajiet sabiex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà,

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transettorjali dwar u bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u dawk Ewropej sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u biex jiġu żgurati politiki ta’ inklużjoni soċjali koerenti.


ANNESS II

Prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2015

Prijorità ġenerali — L-għoti tas-setgħa liż-Żgħażagħ

Il-qasam taż-żgħażagħ għandu prattika stabbilita ferm ta’ kooperazzjoni mal-Presidenza fil-kuntest tad-Djalogu Strutturat bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ż-żgħażagħ. Il-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1ta’ Lulju 2014 sal‐31 ta’ Diċembru 2015 ser tkun l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ. Din it-tema ser tkun il-karatteristika komuni li ser tiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-tliet Presidenzi. It-tema tal-għoti tas-setgħa ser tindirizza l-aċċess għad-drittijiet u l-importanza tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/5


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 2014, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2014-2015

2014/C 183/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   INTRODUZZJONI

1.

JIRRIKONOXXU li, mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018, il-kriżippreżentat sfidiġodda għall-politika dwar iż-żgħażagħ u li hemm il-ħtieġa għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE biex dawn l-isfidi jiġu trattati b'mod adegwat.

2.

IFAKKRU li r-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2012 appella għal rabtiet aktar b'saħħithom u aktar koeżjoni bejn il-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018 u l-Istrateġija Ewropa 2020.

3.

IFAKKRU l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2013 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-politika għaż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1), fejn il-Kunsill qabel li jiżviluppa, fi ħdan il-qafas tal-Qafas Imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018, pjan ta' ħidma għal perijodu medju biex tiġi ggwidata l-politika għaż-żgħażagħ u l-ħidma ta' politika relatati maż-żgħażagħ b'reazzjoni għat-temi u x-xejriet attwali dwar iż-żgħażagħ u dawk relatati magħhom u li jissottolinjaw oqsma rilevanti għall-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-politiki tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tal-impjiegi bil-ħsieb li jiġi żgurat il-kontribut tal-politika għaż-żgħażagħ fis-Semestru Ewropew.

4.

Konsegwentement JAQBLU li jistabbilixxu Pjan ta' Ħidma ta' tmintax-il xahar għaż-Żgħażagħ għal azzjoni mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2014sal-31 ta' Diċembru 2015, bħala fażi pilota u bħala kontribut għall-implimentazzjoni tal-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018).

II.   PRINĊIPJI

5.

IQISU li l-Pjan ta' Ħidma għandu jkun irregolat mill-prinċipji gwida li ġejjin:

l-għoti ta' impetu u prominenza kif adatt lill-ħidma fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ,

l-iżgurar, permezz ta' kooperazzjoni transettorjali, li l-oqsma ta' politika tal-UE (eż. l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-affarijiet soċjali, is-saħħa) ikunu konxji tal-kwistjonijiet speċifiċi li jiffaċċjaw iż-żagħżagħ,

il-kontribut lill-prijoritajiet globali tal-aġenda ekonomika u tal-politika soċjali tal-UE, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tagħha,

il-ħidma lejn politika għaż-żgħażagħ ibbażata fuq l-għarfien u l-evidenza,

iż-żamma ta' qafas flessibbli li huwa kapaċi jirreaġixxi meta jkun adatt għall-iżviluppi li jkunu għaddejjin,

il-promozzjoni ta' approċċ kooperattiv u miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jinkiseb valur miżjud rigward it-temi ta' prijorità stipulati fil-paragrafu 6 hawn taħt,

l-inkorporazzjoni tal-istrutturi informali eżistenti, fejn adatt, fl-istrutturi stabbiliti f'dan il-Pjan ta' Ħidma,

l-użu sħiħ tal-proċeduri konsultattivi stabbiliti mid-Djalogu Strutturat biex jiġi żgurat li l-Pjan ta' Ħidma jindirizza l-kwistjonijiet li huma rilevanti għaż-żgħażagħ.

6.

JAQBLU li, fid-dawl tal-kriżi attwali, it-temi li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-kooperazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE għall-perijodu kopert mill-pjan ta' ħidma attwali sa tmiem l-2015:

L-iżvilupp ta' ħidma għaż-żgħażagħ u tagħlim mhux formali u informali u l-kontribut tiegħu biex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ,

It-tisħiħ ta' kooperazzjoni transettorjali fil-qafas tal-istrateġiji tal-UE,

L-għoti tas-setgħa, b'attenzjoni speċjali fuq l-aċċess għal drittijiet, awtonomija, parteċipazzjoni u ċittadinanza attiva fl-UE u barra mill-UE.

Jaqblu li l-pjan ta' ħidma jista' jiġi rivedut mill-Kunsill fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi tal-politika fil-livell tal-UE.

7.

JAQBLU dwar lista ta' azzjonijiet speċifiċi konformi ma' dawn it-temi ta' prijorità u skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, kif imsemmi fl-Anness I.

III.   METODI U STRUTTURI TA' ĦIDMA

8.

JIRRIKONOXXU li:

Hemm ħtieġa li jiġu rinfurzati l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transettorjali fi ħdan il-Kunsill sabiex jiġi garantit li t-tfassil tal-politika jieħu kont tal-kondizzjonijiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.

9.

JAQBLU li

Dan il-Pjan ta' Ħidma ser ikun appoġġat minn metodi ta' ħidma maqbula fil-qafas imġedded għal Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ kif ukoll numru limitat ta' gruppi esperti informali u qafas flessibbli ta' attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari,

Il-gruppi ta' esperti ser jintalbu jiffokaw il-ħidma tagħhom fuq it-temi ta' prijorità indikati fit-Taqsima II, il-paragrafu 6 u fuq azzjonijiet u dati previsti elenkati fl-Anness I. L-azzjonijiet fl-Anness I jistgħu jiġu riveduti mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill fid-dawl tar-riżultati miksuba u l-iżviluppi ta' politika fil-livell tal-UE,

Il-prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti jinsabu fl-Anness II,

Fir-rigward tad-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' politiki li jaffettwawhom, id-djalogu strutturat ser ikun mezz li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jiġu impenjati f'riflessjoni konġunta dwar it-temi ta' prijorità ta' dan il-Pjan ta' Ħidma,

Il-laqgħat informali tad-Diretturi Ġenerali għaż-Żgħażagħ għandhom jeżaminaw il-kwistjonijiet strateġiċi li jirriżultaw b'rabta ma' dan il-Pjan ta' Ħidma, kif ukoll ma' dawk relatati b'mod aktar ġenerali mal-politika tal-UE rigward iż-żgħażagħ,

Fit-tieni nofs tal-2015, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma attwali ser tiġi evalwata mill-Kunsill abbażi ta' valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu pprovduta fil-kuntest tal-ħarsa ġenerali lejn is-settur taż-żgħażagħ li tinsab fir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ imħejji mill-Kummissjoni sa Lulju 2015.

10.

FID-DAWL TA' DAN TA' HAWN FUQ, JISTIEDNU

lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu jew jorganizzaw gruppi ta' esperti dwar is-suġġetti li ġejjin għat-tul tal-Pjan ta' Ħidma attwali:

Is-sistemi ta' kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri u r-rwol ta' indikaturi jew oqfsa komuni,

Id-definizzjoni tal-kontribut speċifiku tax-xogħol taż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali u informali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, b'mod partikolari it-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg,

L-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni bil-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet għal tfassil ta' politika transettorjali dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali.

IV.   AZZJONIJIET

11.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

jaħdmu flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni u filwaqt li jużaw metodi ta' ħidma tal-Qafas Imġedded speċifikat b'din ir-Riżoluzzjoni,

b'segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-politika għaż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020”, ikomplu jippromwovu l-involviment attiv ta' perspettivi marbutin maż-żgħażagħ fit-tfassil ta' politika nazzjonali relatata mal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew,

filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà jikkunsidraw li jieħdu kont debitu tal-Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ 2010-2018 u ta' dan il-Pjan ta' Ħidma meta jiżviluppaw il-politika fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali,

jgħarrfu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fejn adatt, dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet.

12.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL SABIEX:

jieħdu kont, fil-kuntest tat-Triju tal-Presidenzi, tat-temi ta' prijorità tal-Pjan tal-Ħidma tal-UE fl-iżvilupp tal-programm tagħhom,

fl-aħħar tat-tmintax-il xahar koperti mir-Riżoluzzjoni attwali, u abbażi ta' valutazzjoni li għandha tiġi integrata fir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ imħejji mill-Kummissjoni abbażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, jikkunsidraw jekk jipproponux Pjan ta' Ħidma ġdid għall-perijodu li jkun imiss,

jipproponu lid-Diretturi Ġenerali għaż-Żgħażagħ fil-laqgħat informali tagħhom biex jiddiskutu u jsegwu r-riżultati miksuba fil-Pjan ta' Ħidma, biex jorganizzaw laqgħat transettorjali konġunti u straordinarji tad-Diretturi Ġenerali, fejn adatt, u jxerrdu r-riżultati b'mod wiesa'.

13.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

tappoġġa u taħdem mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, b'mod partikolari l-azzjonijiet deskritti fl-Anness,

tgħarraf lill-Istati Membri dwar inizjattivi li għaddejjin jew ippjanati fil-politika rigward iż-żgħażagħ u f'oqsma ta' politika rilevanti oħra tal-UE li jħallu impatt fuq iż-żgħażagħ u żviluppi rispettivi fil-Kummissjoni,

teżamina mezzi biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-gruppi ta' esperti,

tinkludi, sa Lulju 2015 fil-proposta għar-Rapport tal-UE dwar iż-żgħażagħ u abbażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma. Dan ir-rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija ta' kwalunkwe Pjan ta' Ħidma sussegwenti tal-Kunsill matul it-tieni nofs tal-2015,

tfittex li tiżgura koerenza bejn dan il-pjan ta' ħidma u l-pjan ta' ħidma tal-Ftehim ta' Sħubija mal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ,

tipproponi qafas flessibbli għal attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri.

14.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

ikomplu jikkooperaw mill-qrib fil-livell tal-esperti f'konformità mal-Annessi I u II ta' din ir-Riżoluzzjoni,

iħeġġu lil setturi oħra biex jieħdu kont tad-dimensjoni taż-żgħażagħ meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw politiki u azzjonijiet f'oqsma oħrajn ta' politika, b'attenzjoni partikolari biex jiżguraw inklużjoni bikrija u effettiva fil-proċess ta' żvilupp tal-politika,

jippromwovu rikonoxximent aħjar tal-kontribut tal-politika rigward iż-żgħażagħ lill-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 meta jitqies il-potenzjal qawwi tas-settur li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjiegi ġodda u meta jitqiesu l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll is-saħħa u l-benesseri.


(1)  ĠU C 224, 3.8.2013, p. 2.


ANNESS I

Azzjonijiet ibbażati fuq temi ta' prijorità

Azzjoni

Metodu ta' ħidma / Strument

Riżultat u data prevista

L-iżvilupp ta' ħidma għaż-żgħażagħ u tagħlim mhux formali u informali u l-kontribut tiegħu biex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ

L-iżvilupp tal-Ħidma għaż-Żgħażagħ fl-Ewropa

Tfassil tal-Politika Bbażat fuq l-Evidenzad:

Studju dwar “Ħidma maż-żgħażagħ: il-valur tal-ħidma għaż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea”

It-tieni nofs tal-2015: (poss.) Skambju ta' fehmiet fil-Kunsill u konsiderazzjoni tal-passi li jmiss b'segwitu għall-eżitu tal-iskambju ta' fehmiet

Grupp ta' Esperti dwar sistemi ta' kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri tal-UE u r-rwol ta' indikaturi jew oqfsa komuni

L-ewwel nofs tal-2015: Grupp ta' esperti jħejji sett ta' indikaturi jew oqfsa li jiddeskrivu l-kwalità fis-sistema tal-Ħidma għaż-Żgħażagħ.

It-tieni nofs tal-2015 (Poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-promozzjoni tal-kontribut tal-politika rigward iż-żgħażagħ fl-indirizzar tal-isfidi fl-Ewropa

Grupp ta' Esperti dwar id-definizzjoni tal-kontribut speċifiku tal-ħidma għaż-żgħażagħ biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ b'mod partikolari fit-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg.

L-ewwel nofs tal-2015: (poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kif il-politika dwar iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transettorjali jistgħu jindirizzaw l-isfidi prinċipali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward taż-żgħażagħ.

Tfassil tal-Politika Bbażat fuq l-Evidenza: Ċentru Ewropew tal-Għarfien dwar il-Politika taż-Żgħażagħ (EKCYP)

L-ewwel nofs tal-2015: Rapport dwar l-aħjar prattiki ta' kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni formali u mhux formali inkluż rakkomandazzjonijiet ta' politika

Kooperazzjoni transettorjali msaħħa fil-qafas tal-istrateġiji tal-UE

Tisħiħ tat-tfassil tal-politika transettorjali rigward iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE

Il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu (Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ)

L-ewwel nofs tal-2015: Rakkomandazzjoni possibbli dwar il-kontribut tas-settur taż-żgħażagħ għall-passi importanti ffukati fuq il-politika tas-Semestru Ewropew.

Tisħiħ tat-tfassil tal-politika transettorjali dwar iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali

Eżerċizzju ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri

It-tieni nofs tal-2015: Rapport intermedju dwar l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet għal tfassil ta' politika transettorjali dwar iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali.

L-għoti tas-setgħa, b'attenzjoni speċjali fuq l-aċċess għal drittijiet, awtonomija, parteċipazzjoni u ċittadinanza attiva fl-UE u barra mill-UE

L-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ b'attenzjoni speċjali fuq l-aċċess għal drittijiet sabiex titrawwem l-awtonomija u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali

Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ

It-tieni nofs tal-2014 (poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet sabiex jitrawmu l-awtonomija u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali.

L-għoti tas-setgħa għal parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa

Riżultati tad-djalogu strutturat maż-żgħażagħ

 

Tfassil tal-Politika Bbażat fuq l-Evidenza:

London School of Economics and Political Science: Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Ħajja Demokratika

Ewrobarometru Flash 375 — Żgħażagħ Ewropej: Parteċipazzjoni fil-Ħajja Demokratika

EACEA — Il-Parteċipazzjoni Politika u ċ-Ċittadinanza tal-UE: Perċezzjonijiet u Mġiba taż-Żgħażagħ

It-tieni nofs tal-2015: (poss.) Konklużjonijiet tal-Kunsill


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament ta' gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ (1 ta' Lulju 2014–31 ta' Diċembru 2015)

Sħubija:

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fihom meta jridu,

L-Istati Membri interessati li jipparteċipaw fil-ħidma tal-gruppi ser jinnominaw esperti bħala membri tal-gruppi rispettivi. L-Istati Membri ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali u ser jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni ser tikkoordina l-eżerċizzju tan-nomina,

Kull grupp ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet interessati oħrajn, flimkien ma' rappreżentanti ta' pajjiżi terzi Ewropej.

Proċeduri ta' ħidma

Il-gruppi ta' esperti ser jikkonċentraw fuq il-kisba ta' numru żgħir ta' riżultati konkreti u utli dwar is-suġġett mitlub,

Sabiex jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Ħidma, kull grupp ta' esperti ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma. Kull grupp ta' esperti ser iħejji skeda ta' ħidma konformi ma' dan il-Pjan ta' Ħidma,

L-Istati Membri ser jingħataw opportunità biex jiggwidaw lill-gruppi ta' esperti sabiex jiggarantixxu l-eżitu u l-iskeda ta' żmien mixtieqa, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gruppi,

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ser jiddeċiedu jekk huwiex adatt li jiġu proposti azzjonijiet ġodda għall-gruppi ta' esperti,

Il-Kummissjoni ser tipprovdi opinjoni esperta, kif ukoll appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-gruppi. Sa fejn huwa possibbli, hija ser tappoġġa lill-gruppi b'mezzi oħrajn adatti (inklużi studji rilevanti għall-qasam ta' ħidma tagħhom),

Bħala regola prinċipali l-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu fi Brussell, iżda jistgħu jorganizzaw laqgħat barra Brussell meta jkunu mistiedna minn Stat Membru,

Bħala regola l-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu darbtejn f'sena, iżda jistgħu jadottaw skeda ta' żmien differenti jekk ikun meħtieġ.

Rappurtar u informazzjoni

Il-presidenti tal-gruppi ta' esperti ser jirrappurtaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ fir-rigward tal-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' esperti rispettivi u jippreżentaw rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet futuri possibbli lill-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ,

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli lill-Istati Membri kollha, irrispettivament mil-livell ta' parteċipazzjoni tagħhom f'qasam partikolari. Ir-rapporti tal-gruppi ser jiġu ppubblikati,

Ir-rapporti mill-gruppi ta' esperti ser jintużaw fil-valutazzjoni mħejjija mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/12


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017)

2014/C 183/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

I.   INTRODUZZJONI

1.

IFAKKRU fil-kompetenza assenjata lill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont huma l-isport huwa qasam fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

2.

IFAKKRU r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011–2014 (1).

3.

JILQGĦU r-Rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011–2014 (2).

4.

JIRRIKONOXXU li l-isport jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

5.

IFAKKRU fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 fejn il-Kunsill qabel li jsejjaħ, fuq bażi regolari, ġeneralment fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, laqgħa informali ta' rappreżentanti prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u l-moviment tal-isport bil-għan li jsir skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet ta' sport fl-UE (3).

6.

JAQBLU li jkomplu jiżviluppaw qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-isport bl-istabbiliment tat-tieni Pjan ta' Ħidma tal-UE dwar l-Isport, fuq medda ta' tliet snin, għall-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

7.

JAQBLU li l-attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport għandhom jiffokaw fuq it-temi ta’ prijorità, it-temi ewlenin, ir-riżultati u l-metodi ta’ ħidma u l-istrutturi elenkati f’dan il-Pjan ta’ Ħidma, u kif stipulat fl-Anness I.

8.

JIEĦDU NOTA tal-Ewrobarometru tal-2013 dwar l-Isport u l-Attività Fiżika u jirrikonoxxu d-differenzi kbar fost l-Istati Membri, inklużi r-riżultati fuq ix-xogħol volontarju u l-imġiba sedentarja.

II.   AKTAR ŻVILUPP TAD-DIMENSJONI EWROPEA FL-ISPORT BL-ISTABBILIMENT TA' PJAN TA' ĦIDMA TAL-UE

9.

IQISU li Pjan ta' Ħidma ta' tliet snin tal-UE dwar l-Isport għandu jkun irregolat mill-prinċipji ta' gwida li ġejjin:

il-promozzjoni ta' approċċ kooperattiv u miftiehem fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-kisba ta' valur miżjud fil-qasam tal-isport fil-livell tal-UE fuq perijodu aktar fit-tul;

l-indirizzar tal-isfidi transnazzjonali bl-użu ta' approċċ ikkoordinat tal-UE;

il-kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-isport;

ir-riflessjoni tal-ħtieġa li l-isport jiġi integrat f'politika oħra tal-UE;

il-ħidma għal politika tal-isport ibbażata fuq l-evidenza;

il-kontribut għall-prijoritajiet ġenerali tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE, b'mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020;

il-bini fuq il-kisbiet tal-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport;

l-ikkomplementar u t-tisħiħ tal-impatt ta’ attivitajiet imnedijin taħt il-programm Erasmus+ fil-qasam tal-isport.

10.

JISSOTTOLINJAW li dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għandu jkun qafas flessibbli li jista' jirrispondi, meta meħtieġ, għal żviluppi fil-qasam tal-isport.

11.

JAQBLU li t-temi u t-temi ewlenin li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu kopert mill-Pjan ta' Ħidma preżenti. Dawn jistgħu jiġu kkomplementati minn kull Presidenza fid-dawl ta' kwalunkwe żvilupp ġdid li jista' jkun hemm:

1)

L-integrità tal-isport, b'mod partikolari l-antidoping, il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob, il-protezzjoni tal-minorenni, il-governanza tajba u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2)

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport, b’mod partikolari l-finanzjament sostenibbli tal-isport, il-wirt ta’ avvenimenti sportivi maġġuri, il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport u l-innovazzjoni;

3)

L-isport u s-soċjetà, b'mod partikolari l-HEPA, il-volontarjat, l-impjiegi fl-isports kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport.

12.

JAQBLU li l-Pjan ta' Ħidma jista' jiġi rivedut mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fid-dawl ta' riżultati miksubin u żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE.

III.   METODI TA’ ĦIDMA U STRUTTURI

13.

JIRRIKONOXXU li:

Jeħtieġ li tissokta l-kooperazzjoni dwar l-isport fil-kuntest tal-UE stabbilita wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' gwida elenkati fit-Taqsima II ta' dan il-Pjan ta' Ħidma;

Jeħtieġ ukoll li l-UE taħdem mill-qrib mal-moviment tal-isport u organizzazzjonijiet kompetenti rilevanti f'livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-WADA, b'mod partikolari permezz tad-djalogu strutturat.

14.

JAQBLU li

L-istrutturi u l-metodi ta’ ħidma differenti għandhom jiġu stabbiliti għas‐segwitu tal-kisbiet mill-ewwel Pjan ta’ Ħidma tal-UE u għall-iżvilupp ta' eżiti ġodda f’konformità mat-temi ta' prijorità u t-temi ewlenin, kif stabbiliti fit-Taqsima II hawn fuq;

Għalhekk, ħames “Gruppi ta' Esperti”, b'esperti maħturin mill-Istati Membri, ser jiġu stabbiliti, li jkopru t-temi li ġejjin: it-tbagħbis tal-logħob, il-governanza tajba, id-dimensjoni ekonomika, il-HEPA u l-iżvilupp tar-riżorsi umani fl-isport. Il-prinċipji marbutin mas-sħubija u l-funzjonament ta' dawn il-gruppi jinsabu fl-Anness II;

Minbarra dawn il-gruppi ta' esperti, strutturi u metodi ta' ħidma oħrajn jistgħu jinkludu eż. konferenzi tal-Presidenza, laqgħat ta' Diretturi u Ministri tal-Isport, studji u konferenzi tal-Kummissjoni, kif ukoll pledge boards (4).

Fl-ewwel nofs tal-2017, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma preżenti ser tiġi evalwata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' rapport imħejji mill-Kummissjoni sa Novembru 2016.

IV.   AKTAR PASSI

15.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni u bl-użu ta' strutturi u metodi ta' ħidma speċifikati minn din ir-Riżoluzzjoni;

filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport, jieħdu kont debitu ta' dan il-Pjan ta' Ħidma meta jkunu qed jiżviluppaw linji ta' politika fil-livell nazzjonali;

jinformaw regolarment, u fejn xieraq jikkonsultaw magħhom, lill-partijiet interessati fl-isport dwar il-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibilità tal-attivitajiet.

16.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL:

jieħdu kont, fil-kuntest tat-Triju ta' Presidenzi, tat-temi ta' prijorità tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom, jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma u jibnu fuq ir-riżultati miksubin;

jinformaw lill-Istati Membri dwar il-ħidma attwali jew ippjanata f’formazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill li għandha impatt fuq l-isport;

fi tmiem it-tliet snin koperti minn din ir-Riżoluzzjoni, u abbażi ta' Rapport imħejji mill-Kummissjoni, jipproponu Pjan ta' Ħidma ġdid għall-perijodu li jmiss, jekk ikun meħtieġ.

17.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

taħdem mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, b'mod partikolari rigward ir-riżultati deskritti fl-Anness I;

tinforma lill-Istati Membri dwar inizjattivi li għaddejjin jew ippjanati f'oqsma ta' politika oħrajn tal-UE li jħallu impatt fuq l-isport u żviluppi rispettivi fil-Kummissjoni;

tappoġġa lill-Istati Membri [u atturi rilevanti oħra] fil-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas stipulat f'din ir-Riżoluzzjoni, b'mod partikolari billi:

teżamina l-mezzi biex tiffaċilita l-iktar parteċipazzjoni wiesgħa ta' Stati Membri u esperti, kif ukoll tistieden rappreżentanti mill-moviment sportiv u partijiet interessati oħrajn fl-istrutturi ta' ħidma msemmija fl-Anness I, filwaqt li tiżgura livell għoli u koerenti ta' rappreżentanza;

tistabbilixxi, kif meħtieġ, gruppi ta' esperti li jipprovdu livell għoli ta' għarfien espert rilevanti, kif ukoll forom oħrajn ta' appoġġ għall-promozzjoni tal-iskambju ta' fehmiet u tagħlim bejn il-pari, kif ukoll għall-bini ta' għarfien (eż. studji);

tiffaċilita d-djalogu strutturat dwar l-isport, fost l-oħrajn l-organizzazzjoni fuq bażi annwali tal-Forum tal-UE dwar l-Isport, filwaqt li tlaqqa' l-partijiet interessanti ewlenin kollha fil-livelli differenti tal-isport;

tuża riżorsi finanzjarji tal-programm Erasmus+ u programmi rilevanti oħrajn tal-UE biex tappoġġa t-temi ta’ prijorità u t-temi ewlenin korrispondenti stabbiliti minn dan il-Pjan ta’ Ħidma;

tadotta, sa Novembru 2016 u fuq il-bażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma. Dan ir-Rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija ta' Pjan ta' Ħidma possibbli tal-UE matul l-ewwel nofs tal-2017;

fejn xieraq, tagħmel ir-riżultati miksubin fl-istrutturi ta' ħidma pubblikament disponibbli.

18.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-PRESIDENZI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIR-RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

ikomplu jikkooperaw mill-qrib b'konformità mal-Annessi I u II ta' din ir-Riżoluzzjoni;

iqisu l-isport meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw il-politika u l-azzjonijiet f'oqsma ta' politika oħrajn, b'attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-inklużjoni bikrija u effettiva fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika;

jippromwovu rikonoxximent aħjar għall-kontribut tal-isport għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 meta jitqies il-potenzjal kbir tas-settur li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjiegi ġodda, u meta jitqiesu l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll is-saħħa pubblika u t-tixjiħ attiv.

irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali tal-UE, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport inkluż il-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  5842/14.

(3)  ĠU C 322, 27.11.2010, p. 1.

(4)  Pledge board: Strument fejn prinċipalment organizzazzjonijiet sportivi jistgħu volontarjament jagħmlu pubbliku l-impenn tagħhom għal ċerti kwistjonijiet, eż. għall-prinċipji ta’ governanza tajba jew għall-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi (ara l-Anness I). Il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-isport dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ pledge boards fit-tieni nofs tal-2014.


ANNESS I

Temi ewlenin (paragrafu 11), riżultati mitlubin u strutturi ta’ ħidma korrispondenti

Temi ewlieni

Eżitu u data ppjanata

Struttura ta' ħidma

L-integrità tal-isport

Antidoping (1)

Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar id-doping fl-isport rikreattiv u l-prevenzjoni tad-doping: L-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari (it-tieni nofs tal-2015)

Diretturi Ġenerali għall-Isport

Tbagħbis tal-logħob

L-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob, b’mod partikolari dwar Rakkomandazzjoni possibbli tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob marbut mal-imħatri, segwita minn rapport dwar is-sitwazzjoni attwali (l-ewwel nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar it-Tbagħbis tal-logħob

Il-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ minorenni

It-tħejjija ta’ Rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ esperti għall-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport (l-ewwel nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar il-Governanza tajba

Il-Governanza tajba

It-tħejjija ta’ prinċipji ta’ gwida relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, possibbilment segwita permezz ta’ pledge board (it-tieni nofs tal-2015)

Il-Promozzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba eżistenti, possibbilment segwita minn pledge board (l-ewwel nofs tal-2016)

 

L-ugwaljanza bejn is-sessi

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti jew il-linji gwida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, possibbilment segwiti minn pledge board (it-tieni nofs tal-2015)

 

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

Il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex jitkejlu l-benefiċċji ekonomiċi tal-isport fl-UE bbażat fuq il-ħidma li għaddejja biex jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta’ SSA fl-Istati Membri (it-tieni nofs tal-2015)

Grupp ta' Esperti dwar id-Dimensjoni ekonomika

Il-wirt ta’ avvenimenti sportivi maġġuri

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti dwar avvenimenti sportivi maġġuri, b’mod partikolari dwar l-aspetti tal-wirt b’enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali (it-tieni nofs tal-2015)

 

Il-finanzjament sostenibbli tal-isport

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar kif tinkoraġġixxi l-investiment trasparenti u fit-tul fl-isport, inkluż il-finanzjament tal-UE, ibbażat inter alia fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 dwar finanzjament sostenibbli għall-isport, inkluża l-għajnuna mill-Istat (l-ewwel nofs tal-2016)

 

L-isport u s-soċjetà

L-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, u biex jinħolqu interazzjonijiet ta’ valur mas-settur tal-isport, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat (l-ewwel nofs tal-2015)

Koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA (it-tieni nofs tal-2016)

Grupp ta' Esperti dwar il-HEPA

L-edukazzjoni, it-taħriġ, ix-xogħol u l-volontarjat

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti biex jiġi inkoraġġut il-volontarjat fl-isport, inklużi l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi legali u fiskali (it-tieni nofs tal-2015 jew it-tieni nofs tal-2014)

L-iskambju tal-aħjar prattiki u rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-inklużjoni tal-kwalifiki tal-isport fil-QNK b’referenza għall-QEK (it-tieni nofs tal-2016)

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta' Grupp ta’ Esperti dwar il-kontribut tal-isport għall-impjegabilità taż-żgħażagħ, inklużi atleti rġiel u nisa professjonali, u l-ħolqien ta' impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-isport u relatat mal-isport. (it-tieni nofs tal-2016)

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar il-konformità tal-kwalifiki nazzjonali mal-istandards internazzjonali tal-kwalifiki tal-federazzjoni internazzjonali tal-isport (it-tieni nofs tal-2015)

It-tħejjija ta’ rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar Karrieri Doppji (l-ewwel nofs tal-2017)

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport


(1)  Il-Kunsill (il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport/Coreper) ser ikompli jikkoordina l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE qabel il-laqgħat tal-WADA.


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament tal-ħames gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tat- tieni Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport — 2014–2017

Sħubija

Is-sehem tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fihom meta jridu.

L-Istati Membri interessati li jieħdu sehem fil-ħidma tal-gruppi jinnominaw esperti bħala membri tal-gruppi rispettivi. L-Istati Membri ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali u jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni ser tikkoordina l-eżerċizzju tan-nominazzjoni.

Kull grupp ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden lil parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, rappreżentanti tal-moviment tal-isport u partijiet interessati oħrajn, kif ukoll rappreżentanti ta' pajjiżi terzi Ewropej. Kull grupp ta’ esperti jista’ jipproponi li jżid parteċipanti oħrajn għall-perijodu kollu tax-xogħol bir-rekwiżit li s-sħubija tagħhom tkun approvata b’mod unanimu mill-grupp ta’ esperti.

Proċeduri ta' ħidma

Biex jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Ħidma, kull grupp ta' esperti ser ikun responsabbli milli jaħtar il-president jew il-kopresidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma. L-elezzjoni tal-Presidenti ser issir b’mod miftuħ u trasparenti kkoordinat mill-Kummissjoni li taġixxi bħala s-segretarjat tal-gruppi ta’ esperti.

Kull grupp ta’ esperti ser iħejji skeda tax-xogħol skont dan il-Pjan ta’ Ħidma u ser jikkonċentra fuq il-kisba ta’ riżultati konkreti u utilizzabbli f’konformità mal-Anness I.

L-Istati Membri jingħataw opportunità biex jiggwidaw lill-gruppi ta' esperti sabiex jiggarantixxu l-eżitu u l-iskeda ta' żmien mixtieqa, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gruppi.

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, ser jiddeċiedu jekk huwiex xieraq li jipproponu azzjonijiet ġodda għall-gruppi ta' esperti.

Il-Kummissjoni tagħti opinjoni esperta, kif ukoll appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-gruppi. Kemm jista' jkun, hija tappoġġa lill-gruppi b'mezzi oħra adatti (fosthom studji rilevanti għall-qasam ta' ħidma tagħhom).

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu fi Brussell bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jorganizzaw laqgħat barra Brussell meta jiġu mistiedna minn Stat Membru biex jagħmlu hekk.

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu darbtejn f'sena bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jadottaw skeda ta' żmien differenti jekk ikun meħtieġ.

Rappurtaġġ u informazzjoni

Il-presidenti tal-gruppi ta' esperti ser jirrapportaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport rigward il-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' esperti rispettivi u r-riżultati tagħhom.

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn kemm jipparteċipaw f'qasam partikolari. Ir-riżultati tal-gruppi ser jiġu ppubblikati.

Ir-riżultati mill-gruppi ta' esperti ser jintużaw fir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/18


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ

2014/C 183/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

1.

Il-kriżi ekonomika li bdiet fit-tieni nofs tal-aħħar deċennju ħolqot sitwazzjoni partikolarment fraġli għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum. Ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom storikament għoljin, għal 23,2 % fl-UE-28 u 23,8 % fiż-żona tal-Euro (Diċembru 2013).

2.

B'riżultat ta' dan il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, iż-żgħażagħ qed jesperjenzaw livelli ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali u għadd dejjem akbar iħossuhom obbligati jħallu l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, u xi drabi l-Ewropa kompletament, biex ifittxu opportunitajiet aħjar. Dan f'xi Stati Membri qed jiġġenera effett ta' eżodu ta' mħuħ li jista' jkun diffiċli jittreġġa' lura.

3.

L-Unjoni Ewropea, permezz ta' Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha dwar “Ħiliet ġodda u impjiegi”, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, “Unjoni ta' Innovazzjoni”, u “Żgħażagħ attivi” tippromwovi l-intraprenditorija, billi trawwem viżjonijiet intraprenditorjali u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi relatati li jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u t-tkabbir li jkunu intelliġenti, sostenibbli u inklużivi.

4.

L-intraprenditorija hija mutur importanti ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi: hija toħloq kumpanniji u impjiegi ġodda, tiftaħ swieq ġodda, ittejjeb il-produttività u toħloq il-ġid. Spirtu imprenditorjali jtejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. L-intraprenditorija u partikolarment l-intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs) huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u jirrappreżentaw l-aktar sors importanti ta' impjieg ġdid (1).

5.

Kulturi li jagħrfu valur f'imġiba intraprenditorjali u jippremjawha bħat-teħid tar-riskji kkalkulati u l-ħsieb independenti jippromwovu propensità għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċjali. F'dan ir-rigward, il-perċezzjoni pubblika tal-imprendituri jeħtieġ li tiġi apprezzata aktar, l-edukazzjoni intraprenditorjali jeħtieġ li tiżdied u l-grupp li mhumiex rappreżentati biżżejjed jeħtieġ li jingħataw attenzjoni speċjali u għajnuna sabiex jibdew, imexxu jew ikabbru negozju jew impriża.

6.

L-intraprenditorija mhijiex ibbażata biss fuq it-tiftix tal-profitt. Atturi differenti, kemm fis-setturi pubbliċi u privati, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (2), li jikkombinaw dimensjoni soċjali u intraprenditorjali, jindirizzaw l-isfidi prinċipali tas-soċjetà tagħna. Din it-tendenza tissejjaħ “intraprenditorija soċjali”, u t-tipi ġodda ta' organizzazzjonijiet li ħarġu, “intrapriżi soċjali”.

7.

Il-kultura u l-kreattività ġew identifikati fil-“Qafas Imġedded għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ” bħala qasam ta' azzjoni għall-politika dwar iż-żgħażagħ. Is-setturi kulturali u kreattivi (3) jistgħu joffru opportunitajiet kbar sabiex il-kreattività taż-żgħażagħ u l-kapital huma jinbidlu fi tkabbir intelliġenti u impjiegi. Fl-era diġitali, il-parteċipazzjoni fil-kultura hija għodda b'saħħitha biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-involviment soċjali speċjalment fost iż-żgħażagħ.

8.

Fir-rapport finali tiegħu, il-Grupp ta' Esperti filwaqt li ppromwova l-kreattività u l-kapaċità innovattiva taż-żgħażagħ billi identifika l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, ikkunsidra kif tittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ.

JIKKUNSIDRA LI:

9.

L-intraprenditorija tista' tikkostitwixxi element importanti fir-rigward tal-awtonomija, l-iżvilupp personali u l-benesseri taż-żgħażagħ. L-intraprenditorija tista' titqies bħala waħda mis-soluzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

10.

L-Ewropa għandha tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali, il-ħolqien ta' ambjent fejn l-imprendituri jistgħu jirnexxu u jikbru, filwaqt li jintlaħqu wkoll gruppi speċifiċi, u l-viżibbiltà tal-intraprendituri bħala mudelli eżemplari.

11.

B'mod partikolari, il-mudell ta' “intraprenditorija soċjali”, maħsub primarjament biex jikkontribwixxi għall-ġid ġenerali tas-soċjetà, jista' jappella għaż-żgħażagħ u jagħtihom iċ-ċans li jipprovdu tweġibiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali. L-idea tal-intraprenditorija soċjali li hija tant qrib in-nies u l-komunitajiet lokali tiżgura l-koeżjoni soċjali permezz tal-involviment taż-żgħażagħ inklużi dawk minn gruppi vulnerabbli.

12.

L-intrapriżi soċjali (4) jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti billi jirrispondu bl-innovazzjoni soċjali għall-ħtiġijiet il-ġodda; huma joħolqu tkabbir sostenibbli billi jqisu l-impatt ambjentali tagħhom u bil-viżjoni fit-tul tagħhom; huma jinsabu fil-qalba tat-tkabbir inklużiv minħabba l-enfasi tagħhom fuq in-nies u l-koeżjoni soċjali.

F'DAN IR-RIGWARD:

13.

Il-politika dwar iż-żgħażagħ jista' jkollha rwol fil-kooperazzjoni transettorjali li tista' tgħin biex jingħelbu l-ostakli. L-intraprenditorija, bħal ħafna oqsma oħra, teħtieġ approċċ fit-tul ta' żmien u twemmin b'saħħtu fil-kapaċità taż-żgħażagħ. Biex jinkiseb dan, jeħtieġ li ż-żgħażagħ jiġu inkoraġġuti biex jiddaħħal spirtu ta' intraprenditorija minn kmieni fil-ħajja — inizjattiva, fiduċja, teħid tar-riski kkalkulati, kreattività, organizzazzjoni, tenaċità — sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tagħhom u biex jidħlu fis-suq tax-xogħol b'suċċess. Bil-għan li tiġi promossa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, b'attenzjoni speċjali fuq l-intraprenditorija soċjali, ġew identifikati l-prijoritajiet li ġejjin:

It-titjib tal-viżjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali taż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali. Il-kompetenza intraprenditorjali tinkludi ħiliet u attitudnijiet trasversali kif ukoll għarfien. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija għodda u strument ewlienin għall-iżvilupp tal-ħiliet trasversali.

Il-promozzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (permezz tal-informazzjoni, konsulenza u coaching) u attivitajiet volontarji fost iż-żgħażagħ, bħala mezz biex jinkisbu l-ħiliet meħtieġa sabiex isibu impjieg jew jibdew proġett tagħhom stess. Ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-attivitajiet taż-żgħażagħ fit-titjib u l-appoġġ għall-enerġija kreattiva u l-kapaċità taż-żgħażagħ għall-innovazzjoni bħala element ewlieni għall-iżvilupp personali tagħhom kif ukoll l-inklużjoni attiva tagħhom.

It-titjib u aktar tisħiħ tal-“intraprenditorija soċjali” bħala mudell intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ, b'tali mod li tkun tista' tittejjeb l-impjegabbiltà tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-valuri sostenibbli u ambjentali.

Il-promozzjoni tal-kisba, miż-żgħażagħ kollha, ta' ħiliet diġitali sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tad-dinja diġitali.

Il-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni kulturali fost iż-żgħażagħ, bħala atturi u utenti, li ssaħħaħ is-sens ta' inizjattiva u l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom. L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni attiva f'attivitajiet kulturali jistgħu jirrinforzaw il-benesseri taż-żgħażagħ u s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-kondiviżjoni ta' wirt storiku komuni.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'KONSIDERAZZJONI DEBITA TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

14.

Jirrikonoxxu r-rwol importanti tal-intraprenditorija u l-intrapriżi fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jiżviluppaw u jsaħħu l-linji ta' politika biex jiżdied l-għarfien dwar diversi aspetti tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ.

15.

Jirrikonoxxu l-importanza tal-edukazzjoni intraprenditorjali minn età bikrija u jenfasizzaw ir-rwol tat-tagħlim mhux formali u informali biex jiżguraw approċċ olistiku lejn l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-integrazzjoni b'suċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol.

16.

Jippromwovu l-ħidma fost iż-żgħażagħ u attivitajiet volontarji bħala strumenti prinċipali fl-iżvilupp ta' ħiliet trasversali u soft skills li huma meħtieġa fit-tmexxija ta' negozji u azzjoni intraprenditorjali. F'dan ir-rigward jiżviluppaw u jenfasizzaw aktar ir-rikonoxximent jew il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, billi jikkunsidraw ukoll l-eżiti ta' tagħlim rilevanti għall-intraprenditorija.

17.

Jikkunsidraw li jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala wieħed mill-fornituri ewlenin tat-tagħlim mhux formali u informali li jwassal għal viżjoni u ħiliet intraprenditorjali. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jsaħħu l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-għoti ta' gwida, mentoring, u taħriġ ta' kwalità.

18.

Jippromwovu u jappoġġaw bidu ta' negozji u intrapriżi soċjali biex jegħlbu ostakoli konsiderevoli għall-aċċess għall-finanzi, is-servizzi ta' appoġġ u l-possibbiltajiet ta' mentoring (inkluż l-użu effiċjenti tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, meta dan ikun konsistenti mal-ftehimiet ta' sħubija).

19.

Joffru, fejn ikun adatt, appoġġ billi jnaqqsu l-ostakoli possibbli skont il-livelli tal-impatt soċjali u ambjentali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

20.

Iżidu l-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali u jiżviluppaw għodod biex jiksbu fehim aħjar tas-settur. F'dan ir-rigward, iżidu l-għarfien u jippromwovu diversi forom ta' intrapriżi, intrapriżi soċjali (inklużi kooperattivi), intrapriżi kulturali u kreattivi eċċ.

21.

Jiffaċilitaw skemi ta' taħriġ u skambji, il-kondiviżjoni ta' esperjenzi u attivitajiet oħra ta' tagħlim li jsaħħu l-orjentazzjonijiet u l-ħiliet intraprenditorjali (eż. jimpenjaw liż-żgħażagħ f'esperjenzi intraprenditorjali diretti, taħriġ fuq il-post tax-xogħol, netwerks, promozzjoni ta' ħiliet speċjalizzati) u jappoġġaw sforzi biex jiddefinixxu l-eżiti tat-tagħlim ta' tali attivitajiet. Jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod li jippermettu liż-żgħażagħ jivvalutaw u jippreżentaw il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali tagħhom.

22.

Iħeġġu lil negozji żgħar u lil imprendituri żgħażagħ ikunu innovattivi u jaħtfu l-opportunitajiet kollha tas-suq intern tal-UE, billi jħeġġuhom biex isiefru u jimpenjaw ruħhom fi trasferimenti transkonfinali ta' għarfien, u kooperazzjoni. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, għandhom jiġu promossi netwerks ta' imprendituri soċjali żgħażagħ u sħab potenzjali.

23.

Jinkoraġġixxu l-iskambju ta' opportunitajiet u l-kollaborazzjoni bejn imprendituri żgħażagħ minn Stati Membri differenti. Iżidu s-solidarjetà reċiproka bejn il-ġenerazzjonijiet permezz tal-iskambju ta' għarfien bejn imprendituri b'aktar esperjenza u imprendituri żgħażagħ promettenti. Jippromwovu programmi ta' mentoring fil-qasam tal-intraprenditorija fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew.

24.

Iżidu l-kooperazzjoni transettorjali u jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi ta' appoġġ sabiex joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-imprendituri żgħażagħ u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-imprendituri żgħażagħ.

25.

Jippromwovu l-aċċessibbiltà fost il-partijiet interessati rilevanti kollha u jinkoraġġixxu l-użu ta' programmi Ewropej (bħal Erasmus+, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ fil-qafas tal-programm COSME, il-Fond Soċjali Ewropew u programmi finanzjarji oħrajn għall-intrapriżi soċjali u mikrofinanzajment skont il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) għat-titjib tal-ħiliet imprenditorjali fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jippromwovu, fejn ikun adatt, appoġġ speċjalizzat għall-imprendituri żgħażagħ u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tagħhom.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

26.

Tqajjem kuxjenza dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, inkluż fil-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej, u tippreżenta prattiki tajbin dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ (possibbilment b'rabta mal-ġimgħa Ewropea tal-SMEs).

27.

Tniedi riċerka jew studju u żżid l-għarfien dwar l-intraprenditorija taż-żgħażagħ, b'attenzjoni fuq imprendituri żgħażagħ, intraprenditoriji soċjali u impjiegi ekoloġiċi u r-rwol taż-żgħażagħ f'dan ir-rigward.

28.

Issaħħaħ il-kooperazzjoni attiva fost imprendituri żgħażagħ mas-sħab kummerċjali u soċjali rilevanti u partijiet interessati oħra, inkluż permezz tal-programm Erasmus + il-programmi Erasmus għall-imprendituri żgħażagħ.


(1)  Fil-fatt, aktar minn 99 % tan-negozji Ewropej kollha huma SMEs. Huma jipprovdu żewġ impjiegi minn kull tlieta fis-settur privat u jikkontribwixxu għal aktar minn nofs il-valur miżjud totali maħluq min-negozji fl-UE (Kummissjoni Ewropea – paġna ewlenija tas-sit elettroniku tad-DĠ Intrapriża u Industrija).

(2)  L-ekonomija soċjali timpjega 'l fuq minn 14,51 miljun persuna fl-UE, li jammontaw għal 6,5 % tal-impjiegi totali. Hija tkopri korpi bi status legali speċjali (kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, soċjetajiet reċiproċi) kif ukoll intrapriżi soċjali fil-forma ta' kumpannija privata jew pubblika b'responsabbiltà limitata (Inizjattiva ta' Negozju Soċjali - SEC (2011)1278 final).

(3)  Is-setturi kulturali jammontaw għal 4,5 % tal-PDG Ewropew u jimpjegaw kważi tmien miljun ħaddiem ( Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE COM(2012) 537 final).

(4)  Intrapriża soċjali hija operatur fl-ekonomija soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Din topera billi tipprovdi oġġetti u servizzi għas-suq b’mod intraprenditorjali u innovattiv u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tikseb għanijiet soċjali. Hija amministrata b’mod miftuħ u responabbli u, b'mod partikolari, tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u l-partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha (Inizjattiva ta' Negozju Soċjali - SEC (2011)1278 final).


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/22


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (1)

2014/C 183/05

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR FL-ISFOND POLITIKU TA' DIN IL-KWISTJONI, KIF JINSAB FL-ANNESS GĦAL DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET,

JIKKUNSIDRA LI:

1.

It-tagħlim ta’ kwalità għolja huwa rikonoxxut b’mod ġenerali bħala wieħed mill-fatturi ewlenin biex jinkisbu eżiti ta’ suċess fit-tagħlim, billi jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-valuri li l-istudenti jeħtieġu sabiex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom kemm bħala individwi kif ukoll bħala membri attivi tas-soċjetà u l-forza tax-xogħol.

2.

F’dinja li qed tinbidel malajr, ir-rwol tal-għalliema — u dak li hu mistenni minnhom — qed jevolvu wkoll, waqt li jaffaċċjaw l-isfidi ta’ ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda, l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u d-diversità soċjali u kulturali dejjem tiżdied u l-ħtieġa li jiġi provdut tagħlim individwalizzat u tagħlim bi bżonnijiet speċjali.

3.

L-edukaturi tal-għalliema għandhom rwol kruċjali fiż-żamma - u fit-titjib - tal-kwalità tal-għalliema impjegati. Il-provediment ta' kwalità għolja ta’ edukazzjoni inizjali tal-għalliema, l-appoġġ bikri tal-karriera (“induzzjoni”) u l-iżvilupp professjonali kontinwu huwa fattur sinifikanti biex jiġi żgurat li kandidati adatti jagħżlu l-professjoni tat-tagħlim u li l-għalliema jkollhom u jżommu l-kompetenzi rilevanti li huma jeħtieġu biex ikunu effettivi fil-klassijiet tal-lum.

4.

It-titjib fil-programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-proċessi ta' reklutaġġ tal-persunal jeħtieġ l-identifikazzjoni minn qabel tal-kompetenzi professjonali meħtieġa mill-għalliema fi stadji differenti tal-karriera tagħhom. Oqfsa ta’ kompetenza professjonali jistgħu jintużaw biex jitjiebu l-istandards tal-kwalità, billi jiġu definiti l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li l-għalliema, inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u t-tagħlim għall-adulti, għandu jkollhom jew li għandhom jakkwistaw. Bl-istess mod, l-għalliema edukaturi li jħarrġu lill-għalliema biex iwettqu l-kompiti tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn oqfsa ta’ dan it-tip.

JIRRIKONOXXI LI:

1.

Huwa pjuttost komuni li l-għalliema ġodda jitilqu mill-professjoni qabel iż-żmien, fenomenu li jista’ jirriżulta f’telf sinifikanti għall-individwi kkonċernati u s-sistemi inġenerali. Programmi inizjali ta’ edukazzjoni għal għalliema li jħejju b'mod adegwat lill-għalliema mill-bidu nett, flimkien ma’ miżuri ta’ induzzjoni, mentoring u aktar konsiderazzjoni għal benesseri personali u professjonali tal-għalliema, jistgħu jgħinu biex jinstab rimedju għal dan.

2.

L-edukazzjoni tal-għalliema għandha titqies bħala parti integrali mill-objettiv ta' politika usa' biex tiżdied l-attrattiva u l-kwalità tal-professjoni. Dan jeħtieġ politika adegwata ta' selezzjoni, reklutaġġ u retenzjoni, edukazzjoni inizjali effettiva tal-għalliema, appoġġ bikri tal-karriera, tagħlim u żvilupp professjonali matul il-karriera, feedback pedagoġiku u inċentivi għall-għalliema.

3.

Il-programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema, kemm immirati għall-għalliema prospettivi qabel ma jibdew il-karrieri tagħhom jew għall-għalliema prattikanti fil-kuntest ta’ żvilupp professjonali kontinwu, għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jirrispondu għal bidliet fit-tagħlim. Huma għandhom jibnu fuq l-esperjenza tal-għalliema stess u jfittxu li jrawmu approċċi transdixxiplinari u kollaborattivi, sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi u l-għalliema jikkunsidrawha bħala parti mill-kompitu tagħhom li jaħdmu f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti bħal kollegi, ġenituri u min iħaddem.

4.

L-espansjoni rapida ta’ għodod diġitali ta' tagħlim u Riżorsi Edukattivi Miftuħa toħloq ukoll il-ħtieġa li l-għalliema jakkwistaw għarfien suffiċjenti dwar dawn biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali rilevanti u jagħmlu użu effettiv u adatt tagħhom fit-tagħlim. Dawn l-għodod ġodda jistgħu wkoll jikkontribwixxi biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd.

JAQBEL LI:

1.

L-edukazzjoni inizjali tal-għalliema għandha tipprovdi lill-għalliema prospettivi bil-kompetenzi ċentrali meħtieġa biex jagħtu tagħlim ta' kwalità għolja, kif ukoll tistimula l-motivazzjoni biex jakkwistaw u jaġġornaw il-kompetenzi matul il-karriera tagħhom. Filwaqt li tieħu kont sħiħ tal-kuntesti nazzjonali, hija m’għandhiex tinkludi biss għarfien dwar is-suġġett u kompetenzi pedagoġiċi rinfurzati permezz ta’ perijodi integrati ta’ esperjenza ta’ tagħlim prattiku, iżda tinkoraġġixxi wkoll awtoriflessjoni u ħidma kollaborattiva, adattament għal klassijiet multikulturali u aċċettazzjoni ta’ rwoli ta’ tmexxija.

2.

Il-kwistjonijiet speċifiċi li l-programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema għandhom jikkunsidraw aktar jinkludu metodi effettivi li jgħinu lil min jitgħallem jakkwista kompetenzi trasversali bħal-litteriżmu diġitali, jitgħallem kif jitgħallem, intraprenditorija u raġunar kreattiv u kritiku, kif ukoll li jsaħħaħ il-kompetenzi lingwistiċi. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni għal modi effettivi għall-appoġġ ta' diversi gruppi ta’ min jitgħallem, inklużi dawk bi bżonnijiet speċjali u/jew li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati.

3.

L-edukazzjoni inizjali tal-għalliema tista' tibbenifika minn arranġamenti ta’ assigurazzjoni ta' kwalità u minn rieżami regolari, b’enfasi fuq il-kisba ta’ eżiti ta’ tagħlim meħtieġa, fuq il-kwalità u t-tul ta' żmien adegwat ta’ esperjenza prattika u fuq li tiġi żgurata r-rilevanza ta’ dak li hu mgħallem.

4.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jipprovdu l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema jistgħu jissaħħu bħala ċentri għall-edukazzjoni kemm tal-għalliema kif ukoll tal-edukaturi tal-għalliema, u għat-twettiq ta' riċerka fl-iżvilupp tal-kompetenzi tal-għalliema u l-metodi effettivi ta' tagħlim.

5.

Id-djalogu u sħubiji bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-istituzzjonijiet edukattivi, kif ukoll ma’ rappreżentanti tas-suq tax-xogħol u l-komunità, jistgħu jipprovdu tagħrif utli u ideat fit-tfassil fit-twassil u t-twettiq ta’ programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema. Tali sħubiji jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni ta’ approċċ aktar koordinat lejn kwalifiki, standards ta' kompetenza u l-għoti ta’ taħriġ korrispondenti, partikolarment fl-oqsma tal-ETV u t-tagħlim tal-adulti.

6.

Kemm l-edukazzjoni inizjali tal-għalliem u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema għandhom ikunu bbażati fuq ir-riċerka pedagoġika u japplikaw metodi ta’ tagħlim tal-adulti bbażati fuq komunitajiet ta’ prattika, it-tagħlim online u t-tagħlim bejn il-pari. Huma għandhom jiżguraw li l-għalliema jkollhom opportunitajiet regolari biex jaġġornaw l-għarfien tas-suġġetti tagħhom u li jirċievu appoġġ u taħriġ f’modi effettivi u innovattivi ta’ tagħlim, inklużi dawk ibbażati fuq teknoloġiji ġodda.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B'RIGWARD DOVUT GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, U L-AWTONOMUJA ISTITUZZJONAL U F'KONFORMITÀ MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

1.

Ifittxu li jiżguraw li programmi inizjali tal-edukazzjoni tal-għalliema jipprovdu opportunitajiet għal għalliema prospettivi biex jakkwistaw il-kompetenzi rilevanti kollha li jeħtieġu biex jagħmlu bidu ta' suċċess fil-karriera tagħhom.

2.

Jippromwovu l-iżvilupp ta' oqfsa ta' kompetenza professjonali komprensiva għall-għalliema (2), li jiddefinixxu l-kompetenzi u l-kwalitajiet meħtieġa fi stadji differenti tal-karriera tagħhom, jew f'sitwazzjonijiet differenti ta' tagħlim. Tali oqfsa għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jirrispondu għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu u jiġu diskussi f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti.

3.

Bl-istess mod, jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta’ oqfsa ta’ kompetenza professjonali għall-edukaturi tal-għalliema, li jistabbilixxu kompetenzi li jeħtieġu, filwaqt li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki bejn il-pari u jiġu żviluppati oqsma bħal mentoring ta’ għalliema ġodda ibbażat fl-iskejjel.

4.

Ikomplu jesploraw il-potenzjal ta’ kooperazzjoni msaħħa, is-sħubiji u n-netwerking ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fit-tfassil ta’ programmi tal-edukazzjoni tal-għalliema.

5.

Jippromwovu t-tagħlim diġitali effettiv, billi jiġi żgurat li l-għalliema edukaturi u l-għalliema nnifishom jakkwistaw livell suffiċjenti ta’ ħiliet diġitali, u li dawn jitgħallmu kif jgħinu lil min ikun qed jitgħallem biex jużaw ir-riżorsi diġitali b’mod għaqli u sigur u kif jiġġestixxu aħjar il-proċessi ta’ tagħlim individwali, permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni tal-għalliema aġġornata u l-aċċess imtejjeb — u l-użu ta’ - Riżorsi Edukattivi Miftuħa ta' kwalità.

6.

Jużaw opportunitajiet ta’ finanzjament fi strumenti tal-UE, bħall-Programm Erasmus + u, fejn adatt, il-Fond Soċjali Ewropew, għal:

(i)

l-appoġġ tal-linji ta' politika tal-Istati Membri mmirati lejn it-ttisħiħ tal-kwalità tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu; u

(ii)

il-promozzjoni tal-mobilità ta’ għalliema prospettivi, l-għalliema u l-edukaturi tal-għalliema, u l-inkoraġġiment ta' sħubiji strateġiċi, l-esperimentazzjoni ta' politiki u proġetti viżjonarji dwar l-edukazzjoni tal-għalliema, b’mod partikolari biex metodoloġiji ġodda jkunu jistgħu jiġu ttestjati u biex jiġu attwati oqfsa ta’ kompetenza.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:

1.

Jagħmlu l-aħjar użu mill-istrutturi ta' ET 2020 skont il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) biex jissaħħaħ it-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza u tiġi żviluppata u disseminata l-prattika ta' politika ta' suċċess dwar:

programmi effettivi tal-edukazzjoni tal-għalliema, b'fokus fuq l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u modi li bihom għandhom jiġu indirizzati approċċi kollaborattivi għat-tagħlim;

l-iżvilupp professjonali ta' min iħarreġ fl-EVT fil-kumpannija stess, minħabba r-rwol kruċjali tagħhom fit-twettiq ta' apprendistati ta' kwalità għolja u forom oħra ta' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol;

ir-rinfurzar tar-rilevanza tal-kurrikulu tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-ħiliet professjonali tal-għalliema u ta’ min iħarreġ, fejn adatt permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ min iħaddem, inklużi l-kumpaniji.

2.

Jisfruttaw ir-riżultati ta' studji u stħarriġ rilevanti bħat-TALIS (3)biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet għall-politika tal-fehmiet u l-opinjonijiet tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel dwar l-edukazzjoni tal-għalliema.

3.

Jidentifikaw , permezz tar-riċerka, eżempji tal-metodi u l-prattiki l-aktar effiċjenti għall-għalliema biex jgħinu lil min jitgħallem jorganizza t-tagħlim tiegħu b'mod effettiv fl-ambjenti multidimensjonali ta' tagħlim tal-lum.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

1.

Tibni komunitajiet ta' għalliema, b'mod partikolari dawk prospettivi u reklutati reċentement, billi tagħmel użu minn pjattaformi Ewropej eżistenti għall-għalliema bħall-eTwinning, bil-ħsieb li tkompli tiġi żviluppata l-kollaborazzjoni fost il-pari fil-prattika tat-tagħlim fl-UE kollha.

2.

Tappoġġa l-kooperazzjoni mal-imsieħba, netwerks u organizzazzjonijiet li jistgħu joffru esperjenza u għarfien (know how) dwar it-tfassil ta' programmi effettivi tal-edukazzjoni tal-għalliema, b'mod partikolari programmi ta' edukazzjoni inizjali.


(1)  Għall-finijiet ta' dan it-test, it-terminu għalliem jinkludi għalliema tal-iskola, għalliema u min iħarreġ l-EVT, kif ukoll min iħarreġ lill-adulti.

It-terminu għalliem edukatur jintuża biex jiddeskrivi dawk kollha li b’mod attiv jiffaċilitaw it-tagħlim formali tal-għalliema-studenti u l-għalliema, kemm fil-livell ta’ edukazzjoni inizjali tal-għalliema jew żvilupp professjonali kontinwu.

(2)  Abbażi tar-rapport ta' Lulju 2013 tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku preċedenti fuq l-Iżvilupp Professjonali tal-Għalliema (Appoġġ għall-iżvilupp tal-kompetenza tal-għalliema għal eżiti ta' tagħlim aħjar).

(3)  L-Istħarriġ Internazzjonali dwar l-Istruzzjoni u t-Tagħlim tal-OECD.


ANNESS

Sfond politiku

1.

L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (1).

3.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-15 ta' Novembru 2007, dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema (2).

4.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (ET2020).

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola (3).

6.

Il-Komunikat ta' Bruges tas-7 ta' Diċembru 2010, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011–2020 (4).

7.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (5).

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 — il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi (6).

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2013 dwar l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013  (7).

10.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 dwar it-tmexxija effettiva fl-edukazzjoni (8).

11.

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (9).

12.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2014 dwar edukazzjoni u taħriġ effiċjenti u innovattivi biex isir investiment fil-ħiliet — b'appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014 (10).

Sfond ieħor

1.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 dwar Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar.

2.

Ir-Rapport Eurydice 2013 intitolat Data Ewlenija dwar l-Għalliema u l-Mexxejja tal-Iskejjel fl-Ewropa.


(1)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(2)  ĠU C 300, 12.12.2007, p. 6.

(3)  ĠU C 302, 12.12.2009, p. 6.

(4)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(5)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

(6)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 5.

(7)  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.

(8)  ĠU C 30, 1.2.2014, p. 2.

(9)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(10)  ĠU C 62, 4.3.2014, p. 4.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/26


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-multilingwiżmu u l-iżvilupp ta' kompetenzi lingwistiċi

2014/C 183/06

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, li appellaw għal azzjoni “biex titjieb il-padrunanza tal-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari bit-tagħlim ta' mill-inqas żewġ lingwi barranin minn età żgħira ħafna”, [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif ukoll għall-istabbiliment ta' indikatur tal-kompetenza lingwistika (1);

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2006, li ddefinixxew il-prinċipji għal Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika (2);

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), li jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kompetenza lingwistika (3);

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 – 29 ta' Novembru 2011 dwar kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobilità, li enfasizzaw l-importanza ta' ħila tajba fil-lingwi barranin bħala kompetenza ewlenija essenzjali sabiex wieħed jirnexxi fid-dinja moderna u fis-suq tax-xogħol (4);

Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Erasmus+, li jinkludi l-għan li jitjiebu l-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi (5).

U B'MOD PARTIKOLARI BIEX:

il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-multilingwiżmu, li appellaw lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-multilingwiżmu u biex jieħdu passi xierqa biex itejbu t-tagħlim effettiv tal-lingwi (6);

ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu, li stiednet lill-Istati Membri biex jippromwovu l-multilingwiżmu b'appoġġ għall-kompetittività, il-mobilità u l-impjegabbiltà, u bħala mezz biex jissaħħaħ id-djalogu interkulturali (7).

FILWAQT LI JQIS LI:

1.

Id-diversità lingwistika hija komponent fundamentali tal-kultura Ewropea u d-djalogu interkulturali, u li l-abbiltà ta’ komunikazzjoni b’lingwa oħra li mhix nattiva huwa rikonoxxut li hija waħda mill-kompetenzi ewlenin li ċ-ċittadini għandhom ifittxu li jiksbu (8).

2.

Ix-xenarju lingwistiku fl-UE huwa kumpless u varjat, b'fatturi nazzjonali li jinfluwenzaw it-tagħlim u t-tagħlim tal-lingwi, u hemm differenzi konsiderevoli fil-leġislazzjoni u fil-prattika fir-rigward tagħhom.

3.

Il-kompetenzi lingwistiċi jikkontribwixxu għall-mobilità, l-impjegabbiltà u l-iżvilupp personali taċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, f'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi.

4.

Il-livell ta’ ħiliet lingwistiċi ta' ħafna żgħażagħ fl-Ewropa jista' jittejjeb u li, minkejja li sar xi progress f'dawn l-aħħar deċennji, għad hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn il-pajjiżi f’termini ta’ aċċess għat-tagħlim tal-lingwi.

5.

Peress li huma s-sors ta’ ħafna lingwi moderni, l-istudju ta’ lingwi klassiċi bħal-Latin u l-Grieg Antik jistgħu jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-patrimonju komuni tagħna.

JAQBEL LI:

1.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-progress fl-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi, b'kull pajjiż jikkontribwixxi għal dan il-progress f'konformità mal-kuntest u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tiegħu.

2.

Il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tista’ tgħin il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u l-istruzzjoni u t-tagħlim effettivi tal-lingwi fl-iskejjel.

3.

Tali valutazzjoni tkun tista' titwettaq abbażi tad-deskrizzjoni fl-Anness għal dan u għandha tkopri l-erba' ħiliet lingwistiċi kollha kemm huma: il-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit.

4.

Il-valutazzjoni tkun tista':

i)

tiġi organizzata fuq livell tal-UE

ii)

tikkunsidra - fejn disponibbli u f'konformità maċ-ċirkustanzi nazzjonali - id-data nazzjonali;

iii)

tiġi organizzata bl-appoġġ ta' grupp magħmul minn esperti mill-Istati Membri u f’kooperazzjoni mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta' Referenza, bil-ħsieb li tiġi żgurata komparabbiltà massima;

iv)

tiġi ffinanzjata mill-Programm Erasmus+ f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (9) u soġġetti għall-proċedura baġitarja annwali;

v)

teħtieġ riżorsi minimi min-naħa tal-iskejjel u sforzi ta' rappurtar min-naħa tal-Istati Membri.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BIL-KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ U F'KONFORMITÀ MA' ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

1.

Jadottaw u jtejbu l-miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u t-titjib fil-kwalità u l-effiċjenza tat-tagħlim tal-lingwi u l-istruzzjoni, inkluż billi jiġu mgħallma almenu żewġ lingwi minbarra l-lingwa/i ewlenija ta' struzzjoni minn età bikrija u billi jesploraw il-potenzjal ta' approċċi innovattivi għall-iżvilupp tal-kompetenzi lingwistiċi.

2.

Jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw metodi xierqa għall-valutazzjoni tal-profiċjenza fil-lingwa f'konformità mal-Anness għal dan.

3.

Jiżviluppaw miżuri għall-appoġġ tat-tfal u l-adulti bi sfond ta' migrazzjoni fit-tagħlim tal-lingwa(i) tal-pajjiż ospitanti.

4.

Jisfruttaw il-potenzjal tal-Programm Erasmus+ u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

5.

Jagħmlu aktar użu minn għodod u inizjattivi Ewropej ta' trasparenza maħsuba biex jappoġġaw u jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi, bħall-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi, il-Europass, il-Portafoll Ewropew tal-Lingwi u t-Tikketta Ewropea għal-Lingwi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

1.

Jiskambjaw l-esperjenzi u l-aqwa prattiki permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, sabiex titjieb l-effikaċja u l-kwalità tal-istruzzjoni u t-tagħlim tal-lingwi.

2.

Jirrikonoxxu r-rwol li t-tagħlim mhux formali u informali jista’ jkollu fit-tagħlim tal-lingwi, billi jesploraw modi li bihom jirrikonoxxu u jivvalidaw il-kompetenzi lingwistiċi akkwistati b'dan il-mod, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (10).

3.

Jesploraw modi kif tiżdied l-attrattività tat-tagħlim tal-lingwi, u l-iżgurar ta' impenn akbar lejn dan it-tagħlim, inkluż permezz tal-użu tal-ICT u r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' studenti li jabbandunaw l-istudji tal-lingwi qabel ma jiksbu livell adegwat ta' profiċjenza.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tesplora l-possibbiltà li jiġu valutati l-kompetenzi lingwistiċi fl-Istati Membri, inkluż bl-użu ta’ data nazzjonali fejn disponibbli, bl-appoġġ ta’ grupp magħmul minn esperti mill-Istati Membri u f’kooperazzjoni mal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Referenza.

2.

Tesplora mal-Istati Membri u l-Eurostat, fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u bil-għan li tittejjeb il-komparabbiltà, il-modi kif tiġi kkumplementata data eżistenti tal-UE dwar l-għadd ta' studenti f'edukazzjoni sekondarja li qed jistudjaw tielet lingwa (11) f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-objettiv ta' Barċellona u l-qafas ET 2020.

3.

Tkompli u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra attivi f'dan il-qasam, bħall-Kunsill tal-Ewropa u ċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tiegħu.


(1)  SN 100/1/02 REV 1, p. 19, it-tieni inċiż tal-paragrafu 44.

(2)  ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1.

(3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 27.

(5)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(6)  ĠU C 140, 6.6.2008, p. 14.

(7)  ĠU C 320, 16.12.2008, p. 1.

(8)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(10)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(11)  Din it-tielet lingwa tista' tkun kwalunkwe lingwa mgħallma fl-iskejjel. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jipprovdu perċentwal ta' studenti li t-tielet lingwa tagħhom tkun il-Grieg Antik u/jew il-Latin. Data oħra li tista' tinġabar tinkludi n-numru ta' lingwi mgħallma u jekk dawn humiex obbligatorji jew fakultattivi.


ANNESS

Valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi

Il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi hija bbażata fuq:

Il-perċentwal ta' studenti ta' 15-il sena jew, fejn xieraq minħabba ċ-ċirkostanzi nazzjonali, ta' 14 jew ta' 16-il sena (1), li jiksbu il-livell ta' utent indipendenti fit-tieni lingwa studjata (2).

It-terminu utent indipendenti jikkorrispondi għal mill-anqas il-livell B1, kif iddefinit fil-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) għall-kompetenzi lingwistiċi (3).

Id-data tista’ tinġabar permezz ta’ stħarriġ fl-UE kollha li jivvaluta l-profiċjenza fit-tieni lingwa(i) tas-sistemi edukattivi u ppreżentata b'tali mod li jiġi żgurat l-massimu tal-komparabbiltà. Jista' jsir użu ta' data nazzjonali, dment li din tkun kompatibbli mal-QKERL.

Ir-riżultati nazzjonali jiġu aggregati bħala medja sempliċi tal-erba' komponenti: il-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit. Ir-riżultat huwa medja ponderata ta' dawn ir-riżultati nazzjonali li tieħu kont tad-daqsijiet tal-popolazzjoni.


(1)  Ser jiġi żgurat il-massimu tal-komparabbiltà tad-data.

(2)  Il-lingwa(i) ewlenija ta' struzzjoni hija/huma kkunsidrati bħala l-ewwel lingwa(i), filwaqt li fost il-lingwi addizzjonali dik li hija l-aktar mgħallma hija meqjusa bħala t-tieni lingwa studjata. Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-lingwi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-ewwel u t-tieni lingwi fil-każ tiegħu.

Lingwi uffiċjali tal-UE biss jistgħu jitqiesu bħala tieni lingwi.

(3)  B1 (Utent Indipendenti) huwa definit kif ġej:

Kapaċi jifhem il-punti ewlenin ta’ input standard ċar dwar affarijiet familjari li regolarment jiltaqa’ magħhom fuq ix-xogħol, fl-iskola, fil-ħin liberu, eċċ. Kapaċi jiġġestixxi l-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet li jistgħu jfiġġu waqt li jivvjaġġa f’żona fejn tkun mitkellma l-lingwa. Kapaċi jipproduċi test sempliċi kontinwu dwar suġġetti li huma familjari jew ta’ interess personali. Kapaċi jiddeskrivi esperjenzi u avvenimenti, ħolm, tamiet u ambizzjonijiet u fil-qosor jagħti raġunijiet u spjegazzjonijiet dwar opinjonijiet u pjanijiet.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/30


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ

2014/C 183/07

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JFAKKAR L-ISFOND POLITIKU GĦAL DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET, KIF JINSABU FL-ANNESS GĦALIHOM,

JILQA':

il-progress miksub fl-iżvilupp ta' kultura ta' titjib kontinwu fil-kwalità fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar l-Ewropa – għalkemm fi gradi varji minħabba l-punti tat-tluq differenti – kif enfasizzat f'għadd ta' rapporti reċenti tal-Kummissjoni (1).

JIKKUNSIDRA LI:

1.

Bħala kontributuri ewlenin fl-isforz lejn impjiegi aħjar, tkabbir u kompetittività aktar b'saħħithom, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE jiffaċċjaw sfidi sinifikanti li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' titjib kontinwu fil-kwalità. Dawn l-isfidi jinkludu: it-tkabbir tal-aċċess; it-tnaqqis tar-rati ta' waqfien qabel iż-żmien u t-titjib ta' dawk ta' ritensjoni; l-appoġġ għat-tagħlim innovattiv; u l-iżgurar li l-istudenti jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal soċjetà inklużiva, ċittadinanza attiva, tagħlim matul il-ħajja kollha u l-impjegabbiltà, irrispettivament mill-isfondi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

2.

Il-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità jista' jkollhom rwol importanti fl-għajnuna tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u għal dawk li jfasslu l-politika biex jegħlbu dawk l-isfidi, filwaqt li jiżguraw li l-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u dik ta' istituzzjonijiet individwali huma adatti għall-iskop tagħhom. L-assigurazzjoni tal-kwalità – bħala parti minn firxa ta’ miżuri minn gvernijiet u istituzzjonijiet – iżżid it-trasparenza u hija l-bażi tal-fiduċja fir-rilevanza u l-kwalità tal-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi, u l-kwalifiki, li min-naħa tagħha hija bbażata fuq il-fiduċja fil-kwalità tal-istituzzjonijiet u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.

L-istrumenti Ewropej tal-assigurazzjoni tal-kwalità, flimkien mal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (QEK), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u oqfsa nazzjonali għall-kwalifiki relatati magħhom, kollha kkontribwixxew għall-iżvilupp ta' kultura tal-kwalità fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li min-naħa tagħhom iffaċilitaw ukoll il-mobbiltà tat-tagħlim u tax-xogħol bejn is-sistemi u b'mod transkonfinali.

4.

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), arranġamenti flessibbli ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jistgħu jappoġġjaw titjib tal-kwalità tat-tagħlim formali u mhux formali fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll jittrattaw fenomeni li qed jikbru bħar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa u l-edukazzjoni transkonfinali, inkluż il-franchising (2).

JAQBEL LI:

1.

Jeżisti kamp ta' applikazzjoni konsiderevoli għal approċċi aktar effettivi għall-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jitbiegħdu minn approċċ ta' “lista ta' kontroll” lejn l-iżvilupp ta' kultura ta' kwalità ġenwina u b'għeruq sodi fit-tagħlim li tista' tgħolli l-istandards u ttejjeb l-eżiti tat-tagħlim.

2.

L-assigurazzjoni tal-kwalità - fi ħdan qafas ta’ titjib kontinwu tal-kwalità - għandha tappoġġa ir-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'konformità mal-aġendi ta’ riforma tal-UE u dawk nazzjonali.

3.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-assigurazzjoni tal-kwalità - b'mod partikolari l-assigurazzjoni tal-kwalità interna - saret dejjem aktar effettiva biex tassisti lill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (HEIs) biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Id-disinn tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterna hija differenti fost l-Istati Membri u tiddependi mill-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, bi programm ta' akkreditazzjoni u evalwazzjoni f'livell istituzzjonali, fost oħrajn, li jikkontribwixxi għal żieda fil-fiduċja u t-titjib tal-istandards. It-tendenza fl-assigurazzjoni esterna tal-kwalità lejn evalwazzjoni f'livell istituzzjonali qed tikber, u tippermetti lill-HEIs jadattaw il-forniment tagħhom b’mod aktar flessibbli li jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom u ta' dawk tal-istudenti, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà.

4.

Fl-istess qasam, il-kooperazzjoni transkonfinali fl-assigurazzjoni tal-kwalità għandha rwol vitali biex tibni l-fiduċja u tgħolli l-istandards tal-kwalità, biex tappoġġa l-mobbiltà tat-tagħlim, biex ittejjeb l-ambjent għall-programmi konġunti u biex tikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr xkiel tal-edukazzjoni għolja transkonfinali u dik bi franchising. Il-ftuħ ta' opportunitajiet għal aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità li joffru l-assigurazzjoni tal-kwalità transkonfinali permezz tar-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR), filwaqt li jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali, għandu jgħin biex jistimula dimensjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità u biex jiffaċilita evalwazzjoni transkonfinali u proċeduri aktar sempliċi għal programmi konġunti.

5.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), l-għodod ta' gwida u l-materjal ta' taħriġ żviluppati fi ħdan in-netwerk tal-EQAVET (3) appoġġaw il-progress lejn kultura ta' kwalità fl-Istati Membri, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà implimentaw jew qed jiżviluppaw approċċ nazzjonali lejn l-assigurazzjoni tal-kwalità f'konformità mal-EQAVET. Għandhom jiżdiedu l-isforzi b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità jqisu aktar l-eżiti tat-tagħlim u jistgħu jittrattaw t-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kemm f’kuntesti formali kif ukoll dawk mhux formali, kif adatt għall-kuntest nazzjonali.

6.

L-esperjenza miksuba mal-EQAVET tista’ sservi bħala l-bażi għall-iżvilupp ta’ approċċ komprensiv għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-qasam tat-tagħlim fost l-adulti.

7.

Żieda fit-trasparenza bejn l-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi differenti u fl-arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u dak informali – inklużi l-forom kollha tat-tagħlim online - tgħin ukoll biex tibni l-fiduċja u tappoġġa l-permeabbiltà fost is-setturi u l-pajjiżi.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-PRASSI NAZZJONALI U FILWAQT LI JIEĦU INKONSIDERAZZJONI S-SUSSIDJARJETÀ, BIEX JAĦDMU MAL-PARTIJIET INTERESSATI RILEVANTI SABIEX:

1.

Jiżviluppaw u jippromwovu kultura ta’ titjib tal-kwalità matul l-edukazzjoni u t-taħriġ, bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi żviluppati minn dawk li qed jitgħallmu, kif ukoll il-kwalità tal-proċess tat-tagħlim, u fejn isir użu adatt ta’ strumenti Ewropej relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità.

2.

Isaħħu l-kapaċità tal-arranġamenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità biex jittrattaw l-iżviluppi attwali u futuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-forom kollha tat-tagħlim online, u jiżguraw li l-ambitu tal-aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità jkun flessibbli biżżejjed f'dan ir-rigward.

3.

Jiżguraw aktar trasparenza fir-rigward tal-eżiti ta’ valutazzjonijiet tal-kwalità.

4.

Jużaw l-opportunitajiet ta' finanzjament taħt il-programm Erasmus+ biex jiżviluppaw proġetti transnazzjonali innovattivi li jtejbu l-kapaċità tal-assigurazzjoni tal-kwalità biex jappoġġaw riformi sostenibbli fl-UE kollha fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u, fejn adatt, jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jkollhom kwalità garantita.

5.

Jinkoraġġixxu permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità l-promozzjoni tat-tagħlim tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

6.

Jappoġġaw, fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja, ir-reviżjoni kontinwa tal-Istandards u l-Linji Gwida dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja Ewropea, sabiex tittejjeb iċ-ċarezza, l-applikabbiltà u s-siwi tagħhom, inkluż l-ambitu tagħhom, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-standards tal-kwalità.

7.

Jinkoraġġixxu, fejn adatt, il-kooperazzjoni transkonfinali bejn il-korpi ta' assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha u għall-forom kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

8.

Jiżguraw il-kwalità tal-edukazzjoni mwettqa mill-HEIs li għandhom campuses u korsijiet franchised barra mill-pajjiżi, bl-appoġġ tal-aġenziji nazzjonali ta' assigurazzjoni tal-kwalità, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji ta' assigurazzjoni tal-kwalità fil-pajjiżi ospitanti u dawk riċeventi, jew billi jippermettu li aġenziji rreġistrati mal-EQAR jevalwaw l-istituzzjonijiet li joffru forniment transkonfinali u franchised bil-ħsieb li jindirizzaw it-tħassib dwar il-kwalità u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni transkonfinali u t-tagħlim reċiproku.

9.

Ikomplu jimplimentaw il-qafas tal-EQAVET bil-għan li jiżviluppaw kultura ta' assigurazzjoni tal-kwalità fi ħdan l-Istati Membri u fosthom, inkluż fil-livell tal-fornituri tal-VET, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu fil-livell nazzjonali u sa tmiem l-2015 – f'konformità mal-Komunikat ta' Bruges – qafas komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità għall-fornituri tal-VET, li jkopri t-tagħlim VET ibbażat fuq l-iskola u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol. kif adatt għall-kuntest nazzjonali.

10.

Jiżguraw li s-sistemi, il-miżuri u l-istrumenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità jiġu evalwati b'mod regolari sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp u l-effettività kontinwi tagħhom.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FILWAQT LI JIEĦU KONT TAL-KARATTERISTIĊI U R-REKWIŻITI SPEĊIFIĊI TAS-SETTURI DIFFERENTI U TAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

1.

Ikomplu jippromwovu t-trasparenza u l-komplementarjetà bejn approċċi settorjali għall-assigurazzjoni tal-kwalità billi jibnu fuq il-prinċipji Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kwalità tal-eżiti għall-istudenti u t-tisħiħ tal-permeabbiltà bejn is-setturi tal-edukazzjoni u dik tat-taħriġ. Aktar żviluppi jistgħu jinkludu:

a)

It-tisħiħ tal-użu ta' approċċ ta' tagħlim ibbażat fuq l-eżiti fid-definizzjoni, it-twettiq u l-valutazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki li jibnu fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim matul il-ħajja u fuq strumenti Ewropej ibbażati fuq il-kreditu, bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) (4) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) (5);

b)

Il-promozzjoni ta' arranġamenti trasparenti għall-assigurazzjoni tal-kwalità bbażati fuq oqfsa eżistenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità li jappoġġaw metodoloġiji u għodod ta' valutazzjoni affidabbli, validi u kredibbli għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali;

c)

It-tisħiħ ta' rabtiet u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati fid-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, inkluż bil-ħsieb li jiġu żviluppati ħiliet adatti għall-monitoraġġ u t-tbassir;

d)

L-involviment, fejn adatt, il-partijiet interessati rilevanti, inkluż il-persunal, l-istudenti u min iħaddem – permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità – fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiku, fit-tfassil ta' kwalifiki, u fl-iżvilupp, it-twettiq u l-monitoraġġ ta' programmi, bil-ħsieb li jiġi żgurat ċiklu ta' titjib kontinwu tal-kwalità fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.

L-użu tal-potenzjal tal-assigurazzjoni ta’ kwalità biex isaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali marbuta mal-QEK.

3.

Isir użu mill-ħidma kontinwa fi ħdan il-proċess ta’ Bolonja fl-edukazzjoni ogħla bil-ħsieb li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ assigurazzjoni tal-kwalità biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u t-trasparenza bħala bażi għall-progress lejn ir-rikonoxximent aktar faċli tal-kwalifiki rilevanti kollha.

4.

L-impenn, billi titqies l-esperjenza miksuba fl-edukazzjoni ogħla, biex tiżdied it-trasparenza transnazzjonali ta' arranġamenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità f’setturi oħra u f’livelli oħra ta' edukazzjoni u taħriġ.

5.

L-esplorazzjoni ta' arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità bil-ħsieb li tiġi indirizzata aħjar il-kwalità tat-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kif adatt għall-kuntest nazzjonali, billi, fost affarijiet oħra, jinbnew fuq il-qafas tal-EQAVET kif adatt.

6.

L-esplorazzjoni ulterjuri tal-kwistjonijiet rilevanti tal-assigurazzjoni tal-kwalità relatati mal-forom kollha tat-tagħlim diġitali, bħall-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' modi ġodda ta' tagħlim.

7.

Ħidma - b'mod partikolari fid-dawl tar-rapport ta' evalwazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-QEK u r-rapporti ta' progress tagħha dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-ETV u l-edukazzjoni ogħla (6) – lejn il-koordinazzjoni aktar mill-qrib u titjib tal-għodod tal-EQAVET u dawk Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari bl-inkorporazzjoni ta' approċċ tat-tagħlim ibbażat fuq l-eżiti u bl-appoġġ ta' strumenti ta'trasparenza bħall-QEK, il-Europass u s-sistemi Ewropej ta' kreditu.

8.

Fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-esplorazzjoni tal-ambitu għall-Istati Membri biex isaħħu d-dispożizzjonijiet u l-inizjattivi proprji għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-oqsma tal-edukazzjoni preprimarja, l-edukazzjoni fl-iskejjel u t-tagħlim fost l-adulti fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’setturi oħra.

9.

It-tkomplija tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell internazzjonali fis-setturi kollha, permezz tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, id-djalogu politiku mas-sħab internazzjonali ewlenin, u sħubijiet mal-istituzzjonijiet madwar id-dinja.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tkompli ttejjeb ir-rabtiet u s-sinerġiji bejn l-għodod ta' trasparenza tal-UE li jappoġġaw l-assigurazzjoni tal-kwalità, ir-rikonoxximent u l-mobbiltà, filwaqt li tfittex aktar komplementarjetà u konverġenza bejn tali għodod, inkluż billi tieħu kont tal-konsultazzjonijiet dwar Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki.

2.

Tkompli ssaħħaħ it-tagħlim reċiproku permezz tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fis-setturi kollha, inkluż bl-għajnuna tal-finanzjament mill-programm Erasmus+.

3.

Tesplora modi biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-arranġamenti tagħhom ta' kontroll ta' kwalità, sabiex jiġu ttrattati modi differenti ta' tagħlim jew sabiex tali arranġamenti jkunu jistgħu wkoll jiġu applikati għal diversi setturi u livelli ta’ edukazzjoni u taħriġ.


(1)  Ara l-Anness (“Sfond ieħor”).

(2)  L-edukazzjoni transkonfinali tinkludi l-forniment ta' servizzi ta' edukazzjoni għolja barra mill-pajjiż permezz ta' fergħat ta' campuses jew fil-qafas tal-franchising jew il-ftehimiet ta' validazzjoni li jsiru bejn istituzzjoni li qed tesporta u oħra li qed tirċievi.

(3)  Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-VET.

(4)  Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti fl-edukazzjoni għolja.

(5)  Is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(6)  Ara l-anness.


ANNESS

Sfond Politiku

1.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 dwar il-koperazzjoni Ewropea fil-Valutazzjoni tal-Kwalità tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel (1).

2.

L-Istandards u l-Linji Gwida dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja adottati fl-2005, u l-impenn li jirreveduhom li ħadu l-Ministri li attendew il-Konferenza Ministerjali ta' Bologna, f'Bukarest fis-26 u s-27 ta' April 2012.

3.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta' Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni ogħla (2).

4.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari l-prinċipji komuni għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni vokazzjonali li jinsabu fl-Anness III (3).

5.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (ET2020) (4).

6.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (5).

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, tad-19 ta' Novembru 2010, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-prijoritajiet għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-perijodu 2011–2020 (6).

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (7).

9.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim fost l-adulti (8).

10.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (9).

11.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2013 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ - rispons għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: L-investiment fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013  (10).

12.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar id-dimensjoni globali tal-edukazzjoni ogħla Ewropea (11).

13.

Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport (12).

14.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2014 dwar edukazzjoni u taħriġ effiċjenti u innovattivi biex isir investiment f'ħiliet - b'appoġġ għas-Semestru Ewropew 2014 (13).

Sfond ieħor

1.

Ir-Rapport Ewropew ta’ Mejju 2000 dwar il-Kwalità tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel: Sittax-il Indikatur tal-Kwalità.

2.

L-Istudju Eurydice: Evalwazzjoni tal-Iskejjel li jipprovdu Edukazzjoni Obbligatorja fl-Ewropa, 2004.

3.

Ir-rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja ta' Ġunju 2013 dwar it-titjib fil-kwalità tat-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

4.

L-istudju tal-2013 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fit-tagħlim fost l-adulti u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar il-Kwalità fit-Tagħlim għall-Adulti.

5.

Ir-rapport tad-19 ta’ Diċembru 2013 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) - Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja.

6.

Ir-rapport tat-28 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Progress fl-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja.

7.

Ir-rapport tat-28 ta’ Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar it-twaqqif ta’ Qafas Ewropew ta’ Referenza ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.


(1)  ĠU L 60, 1.3.2001, p. 51.

(2)  ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.

(3)  ĠU C 111, 06.05.2008, p.7.

(4)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(5)  ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 5.

(7)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.

(8)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

(9)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(10)  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.

(11)  ĠU C 28, 31.1.2014, p. 2.

(12)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(13)  ĠU C 62, 4.3.2014, p. 4.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/36


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli

2014/C 183/08

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JAGĦRAF LI:

1.

it-Trattat jistipula li l-Unjoni għandha tiżgura li l-wirt kulturali tal-Ewropa jkun salvagwardat u mtejjeb;

2.

il-wirt kulturali jikkonsisti mir-riżorsi li ntirtu mill-imgħoddi fil-forom u l-aspetti kollha - tanġibbli, mhux tanġibbli,u diġitali (imwielda diġitali u diġitalizzati), inklużi monumenti, siti, pajsaġġi, ħiliet, prattiki, għarfien u espressjonijiet ta' kreattività umana, kif ukoll kollezzjonijiet ikkonservati u amministrati minn korpi pubbliċi u privati bħal mużewijiet, libreriji u arkivji. Dan joriġina mill-interazzjoni bejn in-nies u l-postijiet matul iż-żmien u dan qiegħed dejjem jevolvi. Dawn ir-riżorsi huma ta' valur kbir għas-soċjetà minn perspettiva kulturali, ambjentali, soċjali u ekonomika u b'hekk il-ġestjoni sostenibbli tagħhom tikkostitwixxi għażla strateġika għall-21 seklu;

3.

il-wirt kulturali huwa ass maġġuri għall-Ewropa u element importanti tal-proġett Ewropew;

4.

il-wirt kulturali bħala riżorsa li ma tiġġeddidx li hi unika, li ma tistax tiġi sostitwita jew skambjata għandha quddiem wiċċha sfidi importanti marbuta mat-trasformazzjonijiet kulturali, ambjentali, soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi li jaffettwaw l-aspetti kollha tal-ħajja kontemporanja.

WAQT LI JENFASIZZA LI:

5.

il-wirt kulturali għandu rwol importanti fil-ħolqien u t-titjib tal-kapital soċjali għax għandu l-kapaċità li:

a)

jispira u jrawwem is-sehem taċ-ċittadini fil-ħajja pubblika;

b)

itejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-individwi u l-komunitajiet tagħhom;

c)

jippromwovi d-diversità u d-djalogu interkulturali bil-kontribuzzjoni għal sens aktar b'saħħtu ta' “appartenenza” għal komunità usa' u biex il-popli jifhmu u jirrispettaw aħjar lil xulxin;

d)

jgħin biex jitnaqqsu d-disparitajiet soċjali, jiffaċilita l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni kulturali u soċjali u jippromwovi d-djalogu interġenerazzjonali u l-koeżjoni soċjali;

e)

joffri possibbiltajiet ta' żvilupp ta' ħiliet, għarfien, kreattività u innovazzjoni;

f)

ikun għodda edukattiva effettiva għal edukazzjoni formali, mhux formali u informali, tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja.

6.

il-wirt kulturali għandu impatt ekonomiku importanti, inkluż bħala parti integrali mis-setturi kulturali u kreattivi, għax, fost ħwejjeġ oħra:

a)

jikkostitwixxi mutur b'saħħtu ta' żvilupp lokali u reġjonali inklużiv u joħloq esternalitajiet konsiderevoli, b'mod partikolari permezz tat-titjib tat-turiżmu kulturali sostenibbli;

b)

jappoġġa l-iżvilupp u r-riġenerazzjoni rurali u urbana sostenibbli kif intwera b'inizjattivi minn bosta reġjuni u bliet Ewropej;

c)

jiġġenera diversi tipi ta' impjieg.

7.

il-wirt kulturali għandu rwol speċifiku fil-kisba tal-għanijiet strateġiċi ta' Ewropa 2020 għal “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” minħabba li għandu impatt soċjali u ekonomiku u jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ambjentali;

8.

il-wirt kulturali jinvolvi diversi politiki pubbliċi lil hinn minn dik kulturali, bħal dawk relatati mal-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni soċjali, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-aġenda diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn il-politiki għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-wirt kulturali u fl-istess ħin il-wirt kulturali joffri potenzjal qawwi għall-kisba tal-objettivi tagħhom. Għaldaqstant, dan il-potenzjal għandu jiġi rikonoxxut u żviluppat bis-sħiħ.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI SABIEX, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U FIR-RISPETT TAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

9.

jirrikonoxxu l-valur intrinsiku tal-wirt kulturali u jimplimentaw il-potenzjal tal-kultura u l-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika komuni għall-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq valuri demokratiċi, etiċi, estetiċi u ekoloġiċi, b'mod partikolari f'mument ta' kriżi;

10.

isaħħu d-djalogu mal-partijiet interessati fil-wirt kulturali biex jidentifikaw u jimplimentaw politiki u azzjonijiet koordinati għall-iżvilupp u l-ġestjoni sostenibbli tal-wirt kulturali, kif ukoll jippromwovu l-kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u intergovernattivi, b'mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa;

11.

jimmobilizzaw ir-riżorsi disponibbli għall-appoġġ, it-tisħiħ u l-promozzjoni tal-wirt kulturali permezz ta' approċċ integrat u olistiku, filwaqt li jqisu l-komponenti kulturali, ekonomiċi, soċjali, ambjentali u xjentifiċi tiegħu;

12.

jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-wirt kulturali fil-politiki nazzjonali u Ewropej;

13.

jidentifikaw u jibnu fuq is-sinerġiji maħluqa bejn il-politiki pubbliċi tal-UE u dawk nazzjonali lil hinn mill-politika kulturali, bħalma huma l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, it-turiżmu, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jinħoloq valur miżjud;

14.

fejn ikun possibbli, itejbu l-aċċess għal fondi, jagħmlu użu sħiħ tal-programmi disponibbli għas-settur pubbliku u privat, u jħeġġu l-investiment fil-wirt kulturali bħala parti minn strateġiji integrati għall-iżvilupp lokali u reġjonali sostenibbli fil-programmi nazzjonali u tal-UE disponibbli, kif ukoll fil-Fondi Strutturali tal-UE f'konformità mal-ftehimiet ta' sħubija;

15.

ikomplu jappoġġaw l-azzjoni tal-UE għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (1);

16.

ikomplu jippromwovu l-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali, iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-potenzjal tal-wirt kulturali għall-iżvilupp sostenibbli u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, b'mod partikolari tat-tfal u ż-żgħażagħ, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili;

17.

itejbu l-ġbir u l-analiżi ta' evidenza kwalitattiva u data kwantitattiva, inkluż statistika, dwar il-wirt kulturali;

18.

jinkoraġġixxu l-finanzjament, l-iżvilupp u t-tixrid ta’ kontenut kulturali diġitali kif ukoll id-disponibbiltà ta' servizzi innovattivi b'rabta mal-wirt kulturali u edukattiv ta’ valur għaċ-ċittadini, u jippromwovu l-aċċess pubbliku għal dawk ir-riżorsi u servizzi diġitali tal-wirt, inkluż permezz tal-Europeana.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

19.

jippromwovu mudelli ta' politika għal żmien fit-tul dwar il-wirt ibbażati fuq l-evidenza u xprunati mis-soċjetà u miċ-ċittadin;

20.

isaħħu r-rwol tal-wirt kulturali fl-iżvilupp sostenibbli, b'konċentrazzjoni fuq proġetti urbani u rurali ta' ppjanar, żvilupp mill-ġdid, u riabilitazzjoni;

21.

jinkoraġġixxu netwerking u sħubijiet bejn il-wirt kulturali u oqsma oħra ta' politika, bejn atturi pubbliċi u privati fl-isferi kollha rilevanti u fuq livelli differenti ta' governanza;

22.

jikkunsidraw l-inklużjoni tal-wirt kulturali fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura li ser jiġi implimentat mill-2015 'il quddiem;

23.

itejbu l-kooperazzjoni transkonfinali, interreġjonali u transnazzjonali dwar kwistjonijiet ta' wirt kulturali mal-partijiet interessati rilevanti,

24.

irawmu għarfien u ħiliet tradizzjonali li huma meħtieġa għas-salvagwardja, il-ġestjoni sostenibbli u l-iżvilupp tal-wirt kulturali u li għandhom jingħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri, biex itejbu l-kapital uman u jiżguraw il-ħarsien kontinwu u l-aċċess għall-assi kulturali Ewropej;

25.

ikomplu jikkooperaw fuq aġenda ta' riċerka għall-wirt kulturali u jsaħħu l-appoġġ għall-inizjattivi ta' riċerka tal-wirt kulturali fil-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 bħalma hi l-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt fil-Qasam tar-Riċerka dwar il-Wirt Kulturali u t-Tibdil Dinji.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

26.

tissokta bl-analiżi tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-wirt kulturali fl-UE u tikkontribwixxi għal żvilupp ta' approċċ strateġiku għall-wirt kulturali;

27.

tqis, fir-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020, il-kontribuzzjoni tal-wirt kulturali fil-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija;

28.

tqis in-natura speċifika tal-wirt kulturali meta tapplika r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat;

29.

tippromwovi l-iskambju u l-użu ta' prattiki tajba li jirriżultaw minn proġetti ffinanzjati fil-kuntesti tal-programmi tal-Unjoni li għandhom l-għan li jrawmu użu u ġestjoni sostenibbli tal-wirt kulturali;

30.

tkompli tappoġġa, fil-livell tal-UE, in-netwerking u l-ġbir tar-riżorsi tal-esperti u l-prattikanti fil-wirt kulturali fis-settur pubbliku u dak privat kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.


(1)  ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1.


14.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 183/39


Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2014 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Isport

2014/C 183/09

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JFAKKAR LI:

1.

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea mnaqqax fit-Trattati. Hija waħda mill-objettivi u l-kompiti tal-Unjoni Ewropea, u l-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha tirrappreżenta missjoni speċifika għall-Unjoni (1).

2.

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija mnaqqxa fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

Fl-Istrateġija tagħha għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010–2015 (2), li identifikat ħames oqsma prijoritarji għall-azzjoni: indipendenza ekonomika ugwali; l-istess paga għall-istess xogħol jew xogħol tal-istess valur; l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta' sess; u l-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjonijiet esterni, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tħeġġeġ l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sessi fil-politika kollha tal-UE. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-iżvilupp tad-dimensjoni tal-UE fl-isport (3), il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet li jiffukaw b'mod speċjali fuq l-aċċess għall-isport għan-nisa immigrati u n-nisa minn minoranzi etniċi, aċċess għal pożizzjonijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet u l-ġlieda kontra l-isterjotipi marbuta mas-sessi.

4.

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija vitali għat-twettiq tal-objettivi tal-UE tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u ta' livell għoli ta' impjiegi, kif ukoll għall-iżgurar ta' tkabbir u kompetittività sostenibbli, u għat-trattament tal-isfida demografika.

5.

Il-Kunsill (konfigurazzjoni EPSCO) adotta konklużjonijiet dwar diversi aspetti rilevanti tal-ugwaljanza bejn is-sessi (4), b'mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011–2020) u b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010–2015.

6.

Il-Konferenza tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Isport tat-3-4 ta' Diċembru 2013 f'Vilnjus eżaminat l-azzjonijiet strateġiċi possibbli bil-ħsieb li tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport sal-2016–2020 u appellat lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-moviment sportiv biex jiżviluppaw pjan ta' azzjonijiet strateġiċi f'dan il-qasam.

7.

Id-Dikjarazzjoni ta' Brighton, li kienet ir-riżultat tal-ewwel Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u l-Isport li saret fi Brighton, fir-Renju Unit fl-1994, u d-dikjarazzjonijiet ta' Ateni (2004) u ta' Berlin (2013), tal-MINEPS tal-UNESCO appellaw għal azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' opportunitajiet ugwali fil-qasam tal-isport.

8.

Il-Konferenza dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa fl-UE: Abbuż fid-dar, fil-post tax-xogħol, fil-pubbliku u online tal-5 ta' Marzu 2014 fi Brussell, ippreżentat ir-riżultati tal-istħarriġ (5) tal-FRA (Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali) dwar il-vjolenza kontra n-nisa. L-istħarriġ wera li 33 % tan-nisa ġarrbu vjolenza fiżika u/jew sesswali, fejn 32 % tal-vittmi kollha ta' fastidju sesswali kkonfermaw li l-awtur kien kap, kollega jew klijent. Il-maġġoranza tan-nisa li kienu vittmi la rrapportaw l-esperjenza tagħhom lill-pulizija u lanqas lil xi organizzazzjoni ta' appoġġ għall-vittmi (6).

9.

Is-seminar tal-Presidenza Griega dwar “Vjolenza Sessista fl-Isport: Protezzjoni tal-Minorenni”tal-20 ta' Marzu 2014 f'Ateni, appella biex tiġi indirizzata l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport ta' kull livell u fl-oqsma kollha tal-isport u biex isir monitoraġġ regolari ta' din il-kwistjoni, inkluż il-vjolenza sessista fl-isport, u biex issir valutazzjoni tan-natura u l-grad ta' vjolenza sessista fl-isport, b'attenzjoni partikolari għall-isport tal-ogħla livell, ir-relazzjoni bejn il-kowċ u l-atleta, il-persuni ta' madwar ir-relazzjoni bejn il-kowċ u l-atleta u r-relazzjoni ta' pari bejn l-atleti. Sar ukoll appell biex jiġu żviluppati biżżejjed għodod (peż. servizzi ta' sostenn, ta' pariri u hotlines) għall-atleti li ġarrbu fastidju jew vjolenza sesswali fl-isport.

WAQT LI JAGĦRAF LI:

10.

L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport diġà tirċievi attenzjoni sinifikattiva f'ċerti Stati Membri. Twettqet ukoll xi ħidma fil-livell lokali, reġjonali u Ewropew u fil-livelli ta' moviment sportiv internazzjonali, iżda l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha ma laħqitx livell aċċettabbli u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konkreti għadha nieqsa f'bosta Stati Membri u fil-moviment sportiv internazzjonali.

11.

Peress li l-isport huwa settur li jinvolvi l-minorenni, huwa ambjent li jista' jkun fih riskji ta' vjolenza u fastidju sesswali minħabba, fost oħrajn, il-fiduċja li tinbena bejn individwi involuti fl-isport.

12.

In-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'bosta oqsma tal-isport. Skont l-Ewrobarometru dwar l-Isport u l-Attività Fiżika (2013), il-bniet u n-nisa għadhom jipparteċipaw anqas mis-subien u l-irġiel.

13.

L-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija f'korpi regolatorji tal-isport u l-ikkowċjar għadu baxx.

14.

Il-vjolenza sessista fl-isport, speċjalment il-fastidju sesswali u l-abbuż tal-minorenni, hija problema sinifikanti iżda tirrikjedi riċerka addizzjonali biex tkun tista' tinftiehem aħjar.

15.

Ir-rwoli tal-ġeneri jiġu mgħallma u mħeġġa minn età tassew żgħira u jistgħu jinfluwenzaw ix-xewqat, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja privata u dik pubblika.

16.

Il-mezzi tax-xandir, inkluż l-industrija tar-riklamar, jikkontribwixxu għar-riproduzzjoni ta' sterjotipi u xbihat tan-nisa u l-irġiel trasmessi kulturalment, u jista' jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi.

17.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur ta' inklużjoni soċjali attiva (7), il-Kunsill stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipproponu azzjonijiet relatati mal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'attivitajiet relatati mal-isport, b'mod speċjali fir-rigward ta' pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jittrattaw l-isport b'rabta mar-rwoli tas-sessi kif stabbiliti fl-istrateġija tal-UE dwar is-sessi. Barra minn hekk, għandha tiġi miġġielda l-vjolenza sessista sabiex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel igawdu b'mod sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom u li tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi.

JISSOTTOLINJA L-POTENZJAL TAL-ISPORT BIEX DAWN L-ISFIDI JIĠU INDIRIZZATI:

18.

L-isport jista' jkun għodda effettiva għall-opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali. L-ugwaljanza vera bejn is-sessi ma tistax tinkiseb permezz tal-leġislazzjoni biss. Huma meħtieġa wkoll miżuri speċifiċi u integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jiġi żgurat li ser jiġi sfruttat il-potenzjali sinifikanti tas-settur tal-isport f'dan ir-rigward, fid-dawl pereżempju tal-importanza tiegħu fit-tiswir tal-identità tat-tfal u ż-żgħażagħ.

19.

L-isport jista' jżid il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tan-nisa u l-irġiel u b'hekk isaħħaħ il-mobilità u l-kapaċità għall-impjieg tagħhom. L-isport jista' jibbenefika minn forza tax-xogħol aktar inklużiva fir-rigward tas-sessi u ser jevolvi kif adatt, filwaqt li jattira aktar nisa u rġiel lejn l-isport u jwassal għal approċċi ġodda u innovativi lejn l-ikkowċjar, il-maniġment u l-irreffjar.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX, B'KUNSIDERAZZJONI DEBITA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:

20.

Iqisu l-iżvilupp u ż-żamma ta' pjani ta' azzjoni nazzjonali, ftehimiet ġenerali jew strateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-moviment sportiv.

21.

Jissottolinjaw il-valur tad-diversità u l-bilanċ bejn is-sessi fl-amministrazzjoni sportiva u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-isport.

22.

Iqisu l-iżvilupp u l-użu ta' materjal edukattiv għat-taħriġ tal-kowċis u ta' min jieħu d-deċiżjonijiet fl-isport, kif ukoll għall-ġenituri, u b'hekk jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport.

23.

Iqisul-iżvilupp ta' politika u programmi għall-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kurrikuli u prattiki edukattivi minn età żgħira, inkluż ir-riċerka, l-istudji, l-istatistika u l-analiżi tal-effett li l-isterjotipi tas-sessi għandhom fuq l-isforzi għall-kisba ta' ugwaljanza vera bejn is-sessi fl-isport.

24.

Jippromwovu l-prevenzjoni tal-vjolenza sessista fl-isport minn età żgħira u l-protezzjoni tal-vittmi u l-vittmi potenzjali tal-fastidju sesswali fl-isport. Jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif l-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jipprevjenu u jittrattaw l-abbuż u l-fastidju sesswali fl-isport.

25.

Iqisu l-opportunità offruta minn avvenimenti sportivi kbar biex jorganizzaw kampanji ta' prevenzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar it-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B'KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSUDJARETÀ U WAQT LI JIRRISPETTAW IR-RESPONSABBILTÀ TAL-ISTATI MEMBRI GĦALL-POLITIKA TAL-ISPORT, BIEX:

26.

Jikkunsidraw l-iżvilupp, mal-organizzazzjonijiet sportivi, ta' miżuri xierqa u proporzjonali, skont il-liġi nazzjonali u tal-UE u l-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, biex ikun verifikat li l-persuni jkunu adatti biex jaħdmu fil-qasam tal-isport (speċjalment mal-minorenni). Dawk il-miżuri jistgħu jkunu sistemi ta’ reġistrazzjoni, intervisti jew referenzi (fost oħrajn ċertifikati ta’ kondotta tajba).

27.

Isaħħu u jintegraw il-perspettiva tas-sessi fil-politika dwar l-isport u jippromwovu l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi permezz tal-linji ta' politika dwar l-isport u oħrajn relatati u l-programmi tal-UE fil-livelli kollha, skont il-prinċipju tal-integrità tal-isport.

28.

Jinkludu l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport fil-kuntest tal-azzjonijiet futuri rilevanti għall-Isport kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE.

29.

Jippromwovu l-aċċessibbiltà fost il-partijiet interessati rilevanti kollha u jħeġġu l-parteċipazzjoni fi programmi Ewropej bħal Erasmus+ u strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE, fejn ikun adatt, għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport b'attenzjoni partikolari għall-kowċis u l-edukazzjoni tal-kowċis u rappreżentazzjoni ġusta tal-isport fil-mezzi tax-xandir.

30.

Iqisu li jinkludu l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kundizzjoni għall-għoti ta' finanzjament pubbliku lil organizzazzjonijiet sportivi, fejn adatt.

31.

Iħeġġu l-inklużjoni ta' approċċ prattiku bbażat fuq is-sessi lejn il-valutazzjoni minn korpi pubbliċi ta' proġetti u programmi proposti fl-isport.

32.

Jikkunsidraw l-istabbiliment ta' sett ta' linji gwida li jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE.

33.

Iqisu t-tnedija, f'kooperazzjoni mal-korpi sportivi internazzjonali, ta' “bord ta' twegħid” fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport.

FILWAQT LI JQIS L-AWTONOMIJA TAL-ORGANIZZAZZJONIJIET SPORTIVI JAPPELLA LILL-ORGANIZZAZZJONIJIET SPORTIVI U LILL-PARTIJIET INTERESSATI BIEX:

34.

Iqisu l-iżvilupp u ż-żamma ta' pjani ta' azzjoni jew strateġiji dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport.

35.

Jissottolinjaw il-valur tad-diversità u l-bilanċ bejn is-sessi fl-amministrazzjoni sportiva u fost il-kowċis u jipprowovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-isport.

36.

Iqisu u jintegraw kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport u jippromwovu l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi permezz ta' kampanji promozzjonali u l-iżvilupp u l-użu ta' materjal edukattiv għat-taħriġ tal-kowċis u ta' min jieħu d-deċiżjonijiet fl-isport għall-persuni ta' kull età.

37.

Jinkludu miżuri u proċeduri speċifiċi fir-rigward ta' vjolenza sessista fil-kodiċi ta' etika u jqisu l-istabbiliment ta' miżuri ta' mira bħal hotlines u servizzi speċifiċi ta' appoġġ għal dawk milquta.

38.

Iħeġġu l-promozzjoni tar-rappurtar mhux sessista tal-isport mill-mezzi tax-xandir.

39.

Iħeġġu żieda fil-bilanċ bejn is-sessi fuq bordijiet u kumitati eżekuttivi fil-qasam tal-isport, kif ukoll fil-maniġment u l-ikkowċjar u jippruvaw ineħħu l-ostakoli mhux leġislattivi li jżommu lin-nisa milli jwettqu tali funzjonijiet.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

40.

Tintegra l-perspettiva tas-sessi fl-aspetti kollha tal-politika dwar l-isport u tippromwovi l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi fl-isport ta' kull livell.

41.

Tippromwovi l-kooperazzjoni attiva bejn l-imsieħba soċjali rilevanti fil-qafas tad-djalogu soċjali u mal-moviment sportiv fil-qafas tad-djalogu strutturat, sabiex titnaqqas l-inugwaljanza bejn is-sessi f'diversi oqsma inkluż is-suq tax-xogħol.

42.

Tappoġġa inizjattivi transnazzjonali (peż. kampanji ta' sensibilizzazzjoni, skambju ta' prattiki tajba, studji, netwerks, proġetti) li jiffokaw fuq l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet strateġiċi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport fil-qafas tal-programmi ta' finanzjament tal-UE inkluż Erasmus+, b'enfasi fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet f'korpi regolatorji tal-isport, l-ikkowċjar u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u sterjotipi negattivi fl-isport.

43.

Twettaq riċerka dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport ta' kull livell u f'kull qasam tal-isport, b'attenzjoni partikolari għall-ikkowċjar, it-taħriġ, il-maniġment u l-irreffjar b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Barra minn hekk, tniedi studju speċifiku biex tiġi vvalutata l-vjolenza sessista fl-isport u l-firxa tagħha.

44.

Tappoġġa l-iżvilupp u tippromwovi l-użu ta' għodod adattati għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħall-ibbaġitjar skont is-sess u l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi u tikkunsidra li timplimenta dawn l-istrumenti fil-qafas ta' Erasmus+ u strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE, fejn adatt.


(1)  L-Artikoli 2 u 3(3) TUE u l-Artikolu 8 TFUE.

(2)  Dok. 13767/10.

(3)  Dok. 5597/11.

(4)  Dok. 18127/10 u 7370/11 rispettivament.

(5)  L-istħarriġ kien ibbażat fuq intervisti wiċċ imb'wiċċ ma' 42.000 nisa ta' età bejn it-18 u l-74 sena, fit-28 Stat Membru kollha tal-UE.

(6)  http://fra.europa.eu/en/vaw-survey-results

(7)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.