ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 98A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
3 ta' April 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

L-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO)

2014/C 098A/01

Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/131/14 – Assistenti (AST 3) – Spezzjoni nukleari

1

 

2014/C 098A/02

Reviżjoni tal-Ġurnali Uffiċjali C A Kompetizzjoni

9

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

L-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO)

3.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 98/1


AVVIŻ TA’ KOMPETIZZJONI ĠENERALI

EPSO/AST/131/14 – ASSISTENTI (AST 3)

SPEZZJONI NUKLEARI

2014/C 098 A/01

 

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza kompetizzjoni ġenerali abbażi tal-kwalifiki u ta’ eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti (1).

L-għan ta’ din il-kompetizzjoni huwa li tinħoloq lista ta’ riżerva maħsuba biex timla postijiet vakanti ta’ uffiċjali fil-Kummissjoni Ewropea, notevolment fid-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija (DĠ ENER) fil-Lussemburgu u fis-servizzi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) li l-attivitajiet tagħhom jinvolvu l-kontroll tas-sigurtà nukleari u, b’mod aktar partikolari, fl-Istitut tal-Elementi Transuraniċi (ITU) f’Karlsruhe (il-Ġermanja), fl-Istitut tal-Enerġija (IE) f’Petten (il-Pajjiżi l-Baxxi) u fil-“Ġestjoni tas-Sit ta’ Ispra” (ISD) f’Ispra (l-Italja).

Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali ppubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 60 A tal-1 ta’ Marzu 2014 kif ukoll fuq is-sit tal-Internet tal-EPSO.

Dan id-dokument, li jagħmel parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, jgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

WERREJ

I.

KUNTEST ĠENERALI

II.

DESKRIZZJONI TAD-DMIRIJIET

III.

KUNDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

IV.

TESTIJIET TA’ DĦUL

V.

AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

VI.

KOMPETIZZJONI ĠENERALI

VII.

LISTA TA’ RIŻERVA

VIII.

KIF TAPPLIKA?

I.   KUNTEST ĠENERALI

Għadd ta’ kandidati magħżula: 32

II.   DESKRIZZJONI TAD-DMIRIJIET

Il-missjoni tad-DĠ ENER f’dak li jirrigwarda l-kontroll tas-sigurtà nukleari hija li jiżgura li jiġu mħarsa l-obbligi u d-drittijiet, fir-rigward tan-nuqqas ta’ devjazzjoni ta’ materjali nukleari, kif deskritti fil-Kapitolu 7 tat-Trattat EURATOM li jistabbilixxi s-sistema għall-kontroll tas-sigurtà tal-EURATOM.

Il-missjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, min-naħa tiegħu, hija li jipprovdi sostenn xjentifiku u tekniku personalizzat għat-tfassil, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Unjoni Ewropea. Bħala servizz tal-Kummissjoni, il-JRC jiffunzjona bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni għax-xjenza u t-teknoloġija.

Ir-rwol tal-ispetturi nukleari huwa li jivverifikaw il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet u tar-rapporti mwettqa mill-operaturi tal-impjanti nukleari, li jwettqu verifiki fiżiċi tal-materjali nukleari u li jabbozzaw rapporti dwar is-sejbiet tagħhom. Taħt is-superviżjoni tal-ġerarkija tagħhom, huma responsabbli wkoll mill-komunikazzjoni mal-operaturi, mas-sħab nazzjonali u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, jistgħu jintalbu biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ tagħmir ta’ kontroll tas-sigurtà.

Id-dmirijiet prinċipali ta’ spettur nukleari huma:

Li jispezzjona l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari fl-impjanti nukleari (jiġifieri, l-estrazzjoni tal-materjali fissili, il-konverżjoni, l-arrikkiment, il-fabrikazzjoni tal-fjuwil nukleari, il-funzjonament tar-reatturi nukleari, ir-riproċessar tal-fjuwil nukleari rradjat, l-ipproċessar tal-iskart u l-ħażna finali tiegħu). L-għan tal-ispezzjonijiet huwa li jikkontrollaw il-karatteristiċi tekniċi tal-impjanti u li jeżaminaw id-dokumenti ta’ sostenn mehmuża mad-dikjarazzjonijiet tal-kontabilità ppreżentati mill-operatur sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jikkorrispondux verament mar-realtà. Il-verifiki jinkludu t-twettiq ta’ kejl kwantitattiv u kwalitattiv, il-kampjunar, kif ukoll l-analiżi tad-dejta li tirriżulta mill-kejl, tas-sorveljanza bil-vidjow u tad-dejta relatata mas-siġilli.

Li jivverifika l-konformità u l-konsistenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ kontabilità fir-rigward ta’ materjali nukleari, ippreżentati mill-operaturi nukleari. Dan jinkludi l-kompitu li jtella’ dejta f’sistema kompjuterizzata ta’ kontabilità, li janalizza l-anomaliji rrapportati minn din is-sistema kif ukoll li jsegwi tali anomaliji flimkien mal-operaturi nukleari kkonċernati.

Li jieħu sehem fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll tas-sigurtà għal kull impjant nukleari, li jirrappreżenta lill-Kummissjoni matul il-laqgħat mal-operaturi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), u li jabbozza rapporti komprensivi.

Li janalizza l-kampjuni ta’ materjali nukleari u ta’ swabs, f’laboratorji fil-post jew inkella fil-laboratorji tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-kompitu jinkludi l-ikkalibrar u l-ittestjar ta’ validazzjoni tat-tagħmir użat fl-analiżi kif ukoll il-ġestjoni ta’ kampjuni radjuattivi f’ambjent ikkontrollat.

Li jiżviluppa, iħejji u jikkalibra t-tagħmir u l-istrumenti li jkunu se jiġu użati matul l-ispezzjonijiet fil-post u li jinstalla u jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-apparati ta’ kejl u ta’ sorveljanza, inklużi s-sistemi ta’ sorveljanza bil-vidjow u s-sistemi elettroniċi ta’ ssiġillar fl-impjanti nukleari.

Id-dmirijiet elenkati hawn fuq jistgħu jitqassmu bejn timijiet differenti. Minkejja li jista’ jagħti l-każ li kandidat ikun speċjalizzat fi grupp wieħed biss ta’ dawn il-kompiti, il-fatt li wieħed ikollu ħiliet multidixxiplinarji fid-diversi oqsma msemmija hawn fuq, jista’ jkun ta’ vantaġġ. L-ispetturi nukleari huma mħeġġa li jiċċaqilqu minn tim għall-ieħor matul is-snin.

Dawn l-attivitajiet huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom u mil-leġiżlazzjoni sekondarja adottata skont dan, kif ukoll minn ftehimiet internazzjonali li tagħhom il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika hija parti. Huma jinvolvu missjonijiet frekwenti u jirrikjedu l-aċċess għal żoni kkontrollati tal-impjanti nukleari. Minħabba li ħafna drabi l-impjanti nukleari jkunu jinsabu f’postijiet imwarrba, l-ispetturi jrid ikollhom liċenzja tas-sewqan.

L-ispetturi nukleari huma soġġetti għal inkjesta tas-sigurtà.

III.   KUNDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

Fid-data ta’ għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, int għandek tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kollha li ġejjin:

1.

Kundizzjonijiet ġenerali

(a)

Tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(b)

Tkun tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek.

(c)

Tkun wettaqt kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar ir-reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

(d)

Tipproduċi r-referenzi dwar il-karattru, meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet previsti.

2.

Kundizzjonijiet speċifiċi

2.1.

Kwalifiki

Livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja, iċċertifikat b’diploma ta’ tmiem l-istudji f’qasam tekniku, jew inkella f’qasam orjentat lejn ix-xjenzi naturali jew applikati, bħalma huma: il-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, u l-inġinerija.

JEW

Livell ta’ edukazzjoni sekondarja, ġenerali jew teknika, iċċertifikat b’diploma ta’ tmiem l-istudji, li jagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja, segwit minn esperjenza professjonali ta’ perjodu minimu ta’ tliet snin f’qasam rilevanti.

NB: Dawn it-tliet snin ma jingħaddux man-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali mitluba hawn isfel.

2.2.

Esperjenza professjonali

Esperjenza professjonali ta’ perjodu minimu ta’ tliet snin, li sentejn minnhom ikunu relatati mal-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra tal-qasam tekniku jew tax-xjenzi applikati, miksuba fl-industrija nukleari, f’ċentru ta’ riċerka nukleari, f’korp pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew f’xi qasam ieħor adattat.

Il-perjodi ta’ taħriġ addizzjonali marbuta mal-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa u segwiti wara l-għoti tad-diploma meħtieġa jistgħu jiġu kkunsidrati għall-perjodu massimu ta’ sena.

Din l-esperjenza professjonali hija rilevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-għoti tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

2.3.

Għarfien lingwistiku  (2)

Lingwa 1

Il-lingwa ewlenija

għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Lingwa 2

It-tieni lingwa (li bilfors trid tkun differenti mil-lingwa 1)

għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż

F’konformità mas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewoprea (l-Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs. il-Kummissjoni, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jixtiequ, fil-qafas ta’ din il-kompetizzjoni, jindikaw ir-raġunijiet għalfejn jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għal għadd ristrett ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizzi, li jeżiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu minnufih u jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet jista’ jiġi affettwat ħażin ħafna.

Abbażi ta’ prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għall-komunikazzjoni interna u b’kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-immaniġġar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma t-tieni lingwa l-aktar użati fl-Unjoni Ewropea u dawk l-aktar studjati bħala t-tieni lingwa. Dan jikkonferma l-livell ta’ edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista’ jistenna mill-kandidati f’pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-ħiliet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati eżamijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-ħila tal-kandidati li jkunu jistgħu jibdew jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg.

Għall-istess raġunijiet, huwa indikat li tiġi limitata l-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-istituzzjoni, inkluża l-lingwa li biha jitfasslu l-applikazzjonijiet. Fil-fatt, din l-eżiġenza tiżgura l-omoġeneità tat-tqabbil u l-kontroll tal-kandidati fl-applikazzjonijiet tagħhom stess.

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel ċerti eżamijiet fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta’ ħidma, b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

IV.   TESTIJIET TA’ DĦUL

It-testijiet ta’ dħul isiru fuq il-kompjuter u huma organizzati mill-EPSO. Il-bord ta’ selezzjoni jiddetermina l-livell ta’ diffikultà ta’ dawn it-testijiet u japprova s-sustanza tagħhom abbażi tal-proposti magħmula mill-EPSO.

It-testijiet ta’ dħul jiġu organizzati biss jekk l-għadd ta’ kandidati li japplikaw ikun ogħla minn ċertu limitu. Il-limitu jiġi determinat mid-Direttur tal-EPSO bħala l-awtorità tal-ħatra (“autorité investie du pouvoir de nomination” – AIPN), wara li tagħlaq ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet, u int tiġi infurmat dwar dan permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO.

Jekk ma jiġrix hekk, it-testijiet tal-ħiliet jiġu organizzati fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni (ara t-Taqsima VI, il-punt 2).

1.

Stedina

Inti tiġi mistieden għat-testijiet jekk tkun ivvalidajt l-applikazzjoni tiegħek fil-ħin (ara t-Taqsima VIII).

Attenzjoni:

1.

meta tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, inti tiddikjara li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III;

2.

biex tipparteċipa fit-testijiet, trid tirriżerva data; din ir-riżervazzjoni trid bilfors issir fiż-żmien stipulat li jiġi indikat lilek permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO.

2.

Deskrizzjoni tat-testijiet u dettalji dwar il-marki

Sensiela ta’ testijiet ibbażati fuq mistoqsijiet b’għażla multipla bl-għan li jiġu evalwati l-ħiliet fir-rigward ta’:

Test (a)

Ir-raġunament verbali

Marki: minn 0 sa 20 punt

Il-minimu meħtieġ: 10 punti

Test (b)

Ir-raġunament numeriku

Marki: minn 0 sa 10 punti

Test (c)

Ir-raġunament astratt

Marki: minn 0 sa 10 punti

 

Il-minimu meħtieġ għaż-żewġ testijiet (b) u (c) huwa ta’ 10 punti

3.

Lingwa tat-testijiet

Lingwa 1

V.   AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

1.   Proċedura

Il-verifika tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll l-għażla abbażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet li tkun ipprovdejt fl-applikazzjoni tiegħek.

(a)

Ir-risposti tiegħek għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi jkunu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk inti tagħmilx parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni.

Fil-każ li t-testijiet ta’ dħul ikunu organizzati minn qabel, il-verifika tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ssir, f’ordni dixxendenti tal-punti miksuba, sakemm jintlaħaq l-għadd stabbilit mill-AIPN  (3) , għall-kandidati li:

kisbu kemm il-minimu meħtieġ kif ukoll l-aħjar marki fit-testijiet ta’ dħul, u

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni

F’każ li diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tal-kwalifiki. L-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jiġu kklassifikati taħt dan il-limitu ma jkunux eżaminati.

(b)

Imbagħad, il-bord ta’ selezzjoni jagħmel għażla abbażi tal-kwalifiki minn fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni, sabiex jidentifika liema huma l-kandidati li għandhom l-aktar kwalifiki rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) fir-rigward tad-deskrizzjoni tad-dmirijiet u tal-kriterji għall-għażla deskritti f’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni. Din l-għażla ssir biss abbażi tad-dikjarazzjonijiet li tkun għamilt fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) skont klassifikazzjoni stabbilita kif ġej:

kull kriterju għall-għażla jġorr piż ta’ minn 1 sa 3 marki, skont l-importanza li jallokalu l-bord,

il-bord jeżamina r-risposti tal-kandidati u jattribwixxi marka minn 0 sa 4 għal kull risposta, skont il-kwalifiki tal-kandidat. Il-marki, immultiplikati bil-piż mogħti lil kull mistoqsija, jingħaddu ma’ xulxin sabiex tinkiseb il-marka globali.

Imbagħad, il-bord jistabbilixxi klassifikazzjoni tal-kandidati skont dawn il-marki globali. L-għadd ta’ kandidati mistiedna (4) għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jikkorrispondi għal mhux iktar minn 3 darbiet l-għadd ta’ kandidati magħżula. Dan l-għadd ta’ kandidati jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (http://blogs.ec.europa.eu/eu-careers.info/).

2.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

Meta joħorġu r-riżultati taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, id-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom jiġu vverifikati mill-EPSO għall-konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali u mill-bord ta’ selezzjoni għall-konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi abbażi tad-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mill-kandidati. Għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki, id-dokumenti ta’ sostenn jkunu kkunsidrati biss biex jikkonfermaw ir-risposti diġà mogħtija fit-taqsima “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet”. Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet (5) mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta’ sostenn rilevanti, il-kandidati kkonċernati jiġu esklużi mill-kompetizzjoni.

Il-verifika ssir b’ordni dixxendenti ta’ mertu, għall-kandidati li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki għat-testijiet kollha f’daqqa (d), (e), (f) u (g) taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni (ara t-Taqsima VI, il-punt 2). Fejn applikabbli, dawn il-kandidati jridu jkunu kisbu wkoll il-minimu meħtieġ fit-testijiet tal-ħiliet (a), (b) u (c). Din il-verifika tibqa’ ssir sakemm jintlaħaq l-għadd ta’ kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta’ riżerva u li effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni. Id-dokumenti ta’ sostenn tal-kandidati li jikklassifikaw taħt dan in-numru ma jiġux eżaminati.

3.   Kriterji għall-għażla

Fil-qafas tal-għażla abbażi tal-kwalifiki, il-bord ta’ selezzjoni jikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

1.

Esperjenza professjonali fl-iżvilupp ta’ tekniki sperimentali fil-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew fi kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra fil-qasam tekniku jew fix-xjenzi applikati, inkluż it-twettiq, l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-esperimenti.

2.

Esperjenza professjonali fl-implimentazzjoni ta’ tekniki sperimentali fil-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew fi kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra fil-qasam tekniku jew fix-xjenzi applikati, inkluż it-twettiq, l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-esperimenti.

3.

Esperjenza professjonali fl-iżvilupp ta’ tekniki ta’ kejl fil-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew fi kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra fil-qasam tekniku jew fix-xjenzi applikati.

4.

Esperjenza professjonali fl-implimentazzjoni ta’ tekniki ta’ kejl fil-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew fi kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra fil-qasam tekniku jew fix-xjenzi applikati.

5.

Esperjenza professjonali fil-qasam tal-informatika relatata mal-iżvilupp jew mal-implimentazzjoni ta’ tekniki sperimentali jew ta’ tekniki ta’ kejl fil-fiżika nukleari, il-kimika nukleari, ir-radjuprotezzjoni, ir-radjubijoloġija, il-fiżika, il-kimika, l-inġinerija jew fi kwalunkwe dixxiplina rilevanti oħra fil-qasam tekniku jew fix-xjenzi applikati.

6.

Esperjenza professjonali fil-qasam tal-informatika relatata mal-ġestjoni ta’ bażijiet tad-dejta u mal-applikazzjonijiet ta’ kontabilità.

7.

Esperjenza professjonali relatata ma’ aspetti regolatorji tal-qasam nukleari.

8.

Esperjenza professjonali fil-kontabilità ta’ materjal nukleari.

9.

Esperjenza internazzjonali f’tal-anqas wieħed mill-oqsma msemmija hawn fuq (il-kriterji minn 1 sa 8), li tinkludi l-esperjenza miksuba fil-qafas ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fl-oqsma msemmija.

10.

Esperjenza fin-negozjar ma’ partijiet terzi, bħalma huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri u rappreżentanti tal-operaturi tal-impjanti jew ta’ kumpaniji.

VI.   KOMPETIZZJONI ĠENERALI

1.

Stedina

Jekk inti tkun wieħed mill-kandidati li (6)

skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-applikazzjoni elettronika, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III

kif ukoll

ikunu kisbu waħda mill-aħjar marki fl-għażla abbażi tal-kwalifiki,

inti tiġi mistieden biex tieħu sehem fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni li ġeneralment isir fi Brussell (7) u li jdum għaddej jum jew jumejn.

2.

Ċentru ta’ evalwazzjoni

Inti tkun suġġett għal tliet tipi ta’ evalwazzjoni li l-kontenut tagħhom huwa vvalidat mill-bord:

il-ħiliet marbuta mar-raġunament (ħlief jekk dawn ma kinux diġà evalwati waqt it-testijiet ta’ dħul organizzati minn qabel), evalwati permezz tat-testijiet li ġejjin:

(a)

test tar-raġunament verbali

(b)

test tar-raġunament numeriku

(c)

test tar-raġunament astratt

il-kompetenzi speċifiċi , evalwati permezz tat-test li ġej:

(d)

intervista strutturata dwar il-kompetenzi fil-qasam, abbażi tar-risposti li tkun ipprovdejt fit-taqsima “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-applikazzjoni

il-kompetenzi ġenerali  (8), evalwati permezz tat-testijiet li ġejjin:

(e)

studju ta’ każ

(f)

eżerċizzju fi grupp

(g)

intervista strutturata dwar il-kompetenzi ġenerali

Kull waħda minn dawn il-kompetenzi ġenerali tiġi ttestjata skont it-tabella li ġejja:

 

Studju ta’ każ

Eżerċizzju fi grupp

Intervista strutturata

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

x

x

 

Komunikazzjoni

x

 

x

Kwalità u riżultati

x

 

x

Tagħlim u żvilupp

 

x

x

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

x

x

 

Reżiljenza

 

x

x

Xogħol f’tim

 

x

x


3.

Lingwa taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni

Lingwa 1 għat-testijiet (a), (b) u (c)

Lingwa 2 għat-testijiet (d), (e), (f) u (g)

4.

Marki u piż tal-marki

Ħiliet marbuta mar-raġunament

(a)

ir-raġunament verbali: minn 0 sa 20 punt

il-minimu meħtieġ: 10 punti

(b)

ir-raġunament numeriku: minn 0 sa 10 punti

(c)

ir-raġunament astratt: minn 0 sa 10 punti

il-minimu meħtieġ għat-testijiet (b) u (c) flimkien: 10 punti

It-testijiet (a), (b) u (c) huma eliminatorji iżda l-marki tagħhom ma jiżdidux mal-marki tat-testijiet l-oħra taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

Kompetenzi speċifiċi (test (d))

minn 0 sa 100 punt

il-minimu meħtieġ: 50 punt

il-piż tal-marki: 55 % tal-marka globali

Kompetenzi ġenerali (testijiet (e), (f) u (g))

minn 0 sa 10 punti għal kull waħda mill-kompetenzi ġenerali

il-minimu meħtieġ:

3 punti għal kull kompetenza

u

35 punt minn 70 għas-7 kompetenzi ġenerali kollha f’daqqa

il-piż tal-marki: 45 % tal-marka globali

VII.   LISTA TA’ RIŻERVA

1.

Applikazzjoni

Il-bord ta’ selezzjoni jniżżel ismek fil-lista ta’ riżerva

jekk inti tkun fost il-kandidati (9) li jkunu kisbu l-marki minimi meħtieġa għat-testijiet minn (a) sa (g) u waħda mill-aħjar marki għat-testijiet kollha f’daqqa (d), (e), (f) u (g) taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni (ara l-għadd ta’ kandidati magħżula, Taqsima I, il-punt 1)

u jekk, fid-dawl tad-dokumenti ta’ sostenn, inti tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni.

2.

Klassifikazzjoni

Il-lista tiġi stabbilita skont l-ordni alfabetiku.

VIII.   KIF TAPPLIKA?

1.

Applikazzjoni elettronika

Għandek tapplika b’mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO, u b’mod partikolari fil-Manwal tal-Applikazzjoni.

Data tal-għeluq (inkluża l-validazzjoni): Is-6 ta’ Mejju 2014 f’12:00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell

2.

Fajl tal-applikazzjoni

Jekk inti tkun fost il-kandidati ammessi għaċ-ċentru tal-evalwazzjoni, trid iġġib miegħek (10) il-fajl tal-applikazzjoni komplut tiegħek (l-applikazzjoni elettronika tiegħek iffirmata u d-dokumenti ta’ sostenn) meta tiġi għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

Termini: ara l-punt 2.1.7 tad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


(1)  F’dan l-avviż, kull referenza għal persuna tas-sess maskil hija wkoll għal persuna tas-sess femminil.

(2)  Ara l-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKER) – livell minimu meħtieġ: lingwa 1 = C1, lingwa 2 = B2 (http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr)

(3)  Dan l-għadd jikkorrispondi mal-limitu msemmi fit-tieni paragrafu tat-Taqsima IV.

(4)  Il-kandidati li ma jkunux mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni jirċievu r-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom kif ukoll il-piż attribwit għal kull mistoqsija mill-bord ta' selezzjoni.

(5)  Din l-informazzjoni tiġi vverifikata, abbażi tad-dokumenti ta' sostenn, qabel ma tinħoloq il-lista ta' riżerva (ara t-Taqsima VII, il-punt 1 u t-Taqsima VIII, il-punt 2).

(6)  F’każ li, diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha jkunu mistiedna għall-eżamijiet tal-evalwazzjoni.

(7)  Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, it-testijiet tal-ħiliet jistgħu jsiru f'ċentri tal-ittestjar fl-Istati Membri, indipendentement mit-testijiet l-oħra taċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

(8)  Dawn il-kompetenzi huma mfissra fil-punt 1.2 tad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.

(9)  F’każ li, diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha jitniżżlu fil-lista ta’ riżerva.

(10)  Id-data tal-konvokazzjoni għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni tiġi kkomunikata lilek fi żmien xieraq permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO.


3.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 98/9


REVIŻJONI TAL-ĠURNALI UFFIĊJALI C A KOMPETIZZJONI

2014/C 098 A/02

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

 

6

 

11

 

19

 

21

 

26

 

27

 

30

(PL)

35

 

41

(DE/EN/FR)

42

 

43

 

46

 

47

 

48

 

55

 

56

 

60

 

62

 

65

 

73

(DE/EN/FR)

74

 

81

 

88

 

92

(DE/EN/FR)

97

 

98