ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.341.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 341

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
21 ta' Novembru 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-492 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013

2013/C 341/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tas-sħubijiet tas-soċjetà ċivili għat-twettiq iktar effikaċi tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku fl-2014–2020 (opinjoni esploratorja)

1

2013/C 341/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

6

2013/C 341/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli — Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE (opinjoni esploratorja)

11

2013/C 341/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

16

2013/C 341/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

21

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-492 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013

2013/C 341/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati MembriCOM(2013) 301 final — 2013/0156 (COD)

27

2013/C 341/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjaliCOM(2013) 108 final

29

2013/C 341/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012 — Aċċellerazzjoni tal-bidlaCOM(2013) 149 final

35

2013/C 341/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċiCOM(2013) 266 final — 2013/0139 (COD)

40

2013/C 341/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suqCOM(2013) 288 final — 2013/0150 (COD)

44

2013/C 341/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' eCall interoperabbli fl-UE kollhaCOM(2013) 315 final — 2013/0166 (COD) u dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KECOM(2013) 316 final — 2013/0165 (COD)

47

2013/C 341/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta' studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairingCOM(2013) 151 final — 2013/0081(COD)

50

2013/C 341/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiemaCOM(2013) 236 final — 2013/0124 (COD)

54

2013/C 341/14

Opinjoni tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-AmbjentCOM(2013) 123 final

59

2013/C 341/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kostaCOM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD)

67

2013/C 341/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014COM(2013) 226 final — 2013/0117 (COD)

71

2013/C 341/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhomCOM(2013) 428 final — 2013/0200 (COD)

75

2013/C 341/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku — Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużivCOM(2013) 279 final

77

2013/C 341/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Futur tat-teknoloġiji għall-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (CCS)COM(2013) 180 final

82

2013/C 341/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b'Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u ValuriCOM(2013) 231 final

87

2013/C 341/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz ta' Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleariCOM(2013) 343 final

92

2013/C 341/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fil-qasam tas-sajd u s-saħħa tal-annimali minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-UnjoniCOM(2013) 417 final — 2013/0191 (COD) u dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-UnjoniCOM(2013) 418 final — 2013/0192 (COD

97

2013/C 341/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali imneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat MembruCOM(2013) 311 final — 2013/0162 (COD)

98

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-492 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tas-sħubijiet tas-soċjetà ċivili għat-twettiq iktar effikaċi tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku fl-2014–2020” (opinjoni esploratorja)

2013/C 341/01

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar il-15 ta' April 2013, il-Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Litwanja, Vytautas Leškevičius, f'isem il-Presidenza Litwana li jmiss, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar:

It-tisħiħ tas-sħubijiet tas-soċjetà ċivili għat-twettiq iktar effikaċi tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku fl-2014-2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Lulju 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'148 voti favur, 0 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Din l-Opinjoni tressaq l-argument li mod effettiv ta' kif jissaħħu s-sħubijiet tas-soċjetà ċivili għat-twettiq tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa permezz tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija kif stipulat fil-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija tal-Kummissjoni.

1.2

Il-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija jgawdi mill-appoġġ tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE, iżda s'issa għadu mhux approvat mill-Kunsill. Din tibqa' sfida sinifikanti għal dawk li jappoġġjaw il-prinċipju tas-sħubija.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi li l-appoġġ politiku għall-Kodiċi ta' Kondotta għadu mhux komplut fost l-Istati Membri Baltiċi u li trid tissaħħaħ il-kultura tas-sħubija.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tkun tista' tiġbor fiha b'mod informali l-proċess spjegat fil-qosor fil-Kodiċi ta' Kondotta u tapplikah fl-evoluzzjoni kontinwa u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

1.5

Fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku hemm kompetenza u esperjenza organizzattiva biżżejjed sabiex fuq il-bażi tagħhom jittieħed ir-rwol ta' monitoraġġ imsaħħaħ maħsub fil-Kodiċi ta' Kondotta.

1.6

Il-Baltiku jista' jsegwi wkoll l-Istrateġija tad-Danubju billi jistabbilixxi Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Baltiku. Il-KESE kellu rwol prominenti fil-formazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tad-Danubju u jinsab lest li jaqdi rwol ta' koordinazzjoni simili fil-Baltiku.

2.   L-istrateġiji tal-kooperazzjoni makroreġjonali

2.1

Il-kunċett ta' makroreġjun daħal l-ewwel darba fil-vokabularju tal-UE fl-2007 bħala parti mid-dibattitu politiku dwar il-forom adegwati tal-governanza territorjali. Wara dan, ġew adottati strateġiji ta' kooperazzjoni makroreġjonali għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (fl-2009) u r-reġjun tad-Danubju (fl-2011).

2.2

Fil-bidu, l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, bħala l-ewwel tentattiv ta' kooperazzjoni fil-livell makroreġjonali, kienet prova għal dan il-mudell il-ġdid ta' kooperazzjoni reġjonali. Fil-qofol tagħha hemm il-viżjoni sempliċi li f'reġjun bħall-Baħar Baltiku problemi serji bħalma huma s-sigurtà marittima, it-tniġġis ambjentali u l-kapaċità ta' aċċess jistgħu jiġu indirizzati u solvuti biss permezz ta' kooperazzjoni effettiva. Barra minn hekk, il-ġeografija preċiża ta' makroreġjun tista' tvarja skont id-definizzjoni u n-natura tal-problema inkwistjoni. Eks-Kummissarju għall-politika reġjonali kien spjega dan il-punt b'mod konċiż u ċar meta stqarr li strateġija makroreġjonali hija definita “fuq il-bażi tal-isfidi u l-opportunitajiet transnazzjonali li jirrikjedu azzjoni kollettiva”.

2.3

L-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku għandha tliet għanijiet ewlenin: li ssalva l-baħar, li tikkollega r-reġjun u li żżid il-prosperità. Sabiex jinkiseb dan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu dwar Pjan ta' Azzjoni bi 15-il Qasam ta' Prijorità u madwar 80 Proġett Ewlieni differenti.

2.4

L-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tibbaża fuq il-livelli eżistenti ta' kooperazzjoni fir-reġjun u ilha għaddejja erba' snin. Din iġġenerat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiż u r-reġjuni parteċipanti. Il-governanza f'diversi livelli ntużat fil-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex titjieb is-sigurtà marittima u biex jinkiseb tnaqqis fil-livelli ta' ewtrofikazzjoni fil-Baltiku. L-UE organizzat Fora annwali tas-Soċjetà Ċivili fil-kuntest tal-EUSBSR, mit-twaqqif tagħha fl-2009.

2.5

It-tħaddim tal-istrateġija ma xekkilx il-prestazzjoni ekonomika tar-reġjun. Fl-2010, ir-reġjun tal-Baħar Baltiku rkupra aktar malajr minn partijiet oħra tal-Ewropa u żamm rati sodi ta' tkabbir tul l-2011. Fl-2012, il-pass tat-tkabbir naqas għal 1,5 %, li xorta kien għadu “l fuq sew mill-medja tal-UE. It-tbassir għall-2013 għadu ma sarx iżda r-reġjun għandu jibqa” jagħti prestazzjoni awqa mill-pari Ewropej tiegħu, skont il-Forum dwar l-Iżvilupp tal-Baltiku.

3.   Il-prinċipju tas-sħubija

3.1

Il-KESE ilu tal-fehma li tinħtieġ sħubija ġenwina għall-effettività ġenerali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. Is-sħubija hija mezz kif jinkiseb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. Din tinsab imniżżla fil-mekkaniżmu għat-twettiq tal-politika ta' koeżjoni u hija stipulata formalment fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR).

3.2

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 mill-Istati Membri kienet problematika, fejn uħud mill-pajjiżi tkellmu biss dwar il-prinċipju mingħajr ma ħadu azzjoni fil-prattika, filwaqt li oħrajn ħaddnu l-prinċipju tas-sħubija bis-sħiħ. F'April 2012, il-Kummissjoni pproponiet kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni fejn ippruvat twaqqaf mekkaniżmu formali għall-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati kollha fil-politika ta' koeżjoni.

3.3

Il-kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija propost mill-Kummissjoni jinkludi sett ta' rekwiżiti minimi meħtieġa sabiex tinkiseb sħubija ta' kwalità għolja fl-implimentazzjoni tal-fondi, filwaqt li tinżamm flessibbiltà biżżejjed għall-Istati Membri fil-mod kif jorganizzaw il-parteċipazzjoni tal-imsieħba differenti. Il-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija jgħid li l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, u l-korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili jistgħu jistabbilixxu, fil-qasam ta' intervent tagħhom, pjattaformi jew organizzazzjonijiet ġenerali sabiex jiffaċilitaw l-involviment tagħhom fis-sħubija. Jistgħu jaħtru rappreżentant uniku sabiex jippreżenta l-fehmiet tal-pjattaforma jew organizzazzjoni ġenerali fis-sħubija. Il-prinċipji li għandhom jitqiesu meta l-imsieħba jaħtru r-rappreżentanti tagħhom jinkludu: il-kompetenza, il-kapaċità li jipparteċipaw attivament, u livell adegwat ta' rappreżentazzjoni.

3.4

Il-proposti tal-Kummissjoni huma appoġġjati mill-Parlament Ewropew, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni. Madankollu, il-Kunsill Ewropew neħħa l-kodiċi ta' kondotta mis-sett globali tal-proposti tal-Kummissjoni. Din is-sitwazzjoni paralizzanti mhijiex mixtieqa u tirrikjedi azzjoni konċertata minn dawk kollha li jappoġġjaw il-prinċipju tas-sħubija biex tingħeleb.

3.5

Il-kodiċi ta' kondotta jidentifika tliet kategoriji ta' msieħba li jikkostitwixxu s-sħubija fil-politika ta' koeżjoni:

l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti, u l-awtoritajiet urbani u pubbliċi oħra;

l-imsieħba ekonomiċi u soċjali;

il-korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni.

3.6

Huwa jistabbilixxi wkoll sett ta' prinċipji għall-involviment ta' kategoriji differenti ta' msieħba fit-tħejjija ta' programmi, l-informazzjoni li għandha tiġi provduta dwar l-involviment tagħhom kif ukoll waqt il-fażijiet diversi ta' implimentazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-imsieħba għandhom ikunu involuti:

fl-analiżi tad-differenzi u l-ħtiġijiet ta' żvilupp b'referenza għall-għanijiet tematiċi, inklużi dawk indirizzati mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi;

fis-selezzjoni tal-għanijiet tematiċi, l-allokazzjonijiet indikattivi tal-Fondi ESI u r-riżultati ewlenin mistennija minnhom;

fil-lista ta' programmi u l-mekkaniżmi fil-livell nazzjonali u reġjonali sabiex tkun żgurata koordinazzjoni bejn il-Fondi ESI ma' strumenti ta' finanzjament oħra tal-Unjoni u nazzjonali u l-BEI;

fl-arranġamenti sabiex ikun żgurat approċċ integrat għall-użu tal-Fondi ESI għall-iżvilupp territorjali ta' żoni urbani, rurali, kostali u tas-sajd, u żoni b'karatteristiċi territorjali partikolari;

fl-arranġamenti sabiex ikun żgurat approċċ integrat sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar jew ta' gruppi speċifiċi bl-ogħla riskju ta' diskriminazzjoni jew esklużjoni, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-komunitajiet marġinalizzati;

fl-implimentazzjoni tal-prinċipji orizzontali definiti fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

3.7

F'termini tal-programmi ta' tħejjija, l-imsieħba għandhom ikunu involuti:

fl-analiżi u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet;

fid-definizzjoni jew selezzjoni ta' prijoritajiet u għanijiet speċifiċi relatati;

fl-allokazzjoni tal-fondi;

fid-definizzjoni tal-indikaturi speċifiċi għall-programm;

fl-implimentazzjoni tal-prinċipji orizzontali kif definiti fl-Artikoli 7 u 8 tas-CPR;

fil-kompożizzjoni tal-kumitat tas-sorveljanza.

3.7.1

Il-kodiċi jinkludi wkoll sett dettaljat ta' prinċipji għar-regoli ta' sħubija u governanza tas-sħubijiet u l-kumitati ta' sorveljanza.

3.7.2

Sabiex ħafna mill-NGOs iż-żgħar u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili jieħdu sehem b'mod effettiv f'dan il-proċess ġdid ta' sħubija, wieħed irid jara li jiġu pprovduti l-assistenza teknika u finanzjarja adegwata.

3.8

Minkejja li l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku rriżultat minn livell bla preċedenti ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati, wieħed jista' jgħid li l-prinċipji tas-sħubija kif spjegat b'mod ġenerali fil-kodiċi ta' kondotta huwa nieqes bil-kbir fil-Baltiku. L-aċċettazzjoni (“buy in”) politika għall-prinċipju tas-sħubija għad trid tinkiseb fi wħud mill-Istati Membri.

3.9

Hemm bosta korpi u organizzazzjonijiet li joperaw b'suċċess fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku, b'rappreżentazzjoni wiesgħa ta' partijiet interessati tas-soċjetà ċivili. Dawn jistgħu jiffurmaw il-bażi ta' Sħubija Baltika jew organizzazzjoni ġenerali kif maħsub fil-kodiċi ta' kondotta. M'hemmx għalfejn jiġi replikat dak li diġà jeżisti.

3.10

Rigward ir-relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mar-Russja, hekk kif l-Istrateġija tad-Distrett Federali tal-Majjistral ġiet influwenzata mill-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, approċċ ġdid ta' sħubija bejn il-membri tal-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS) jista' jkollu effetti ta' dimostrazzjoni simili.

3.11

Jekk il-kodiċi ta' kondotta jista' jiġi appoġġjat fil-wisa', dan ser jgħin sabiex jerġa' jiġi stimolat l-appoġġ tal-partijiet interessati għall-Istrateġija tal-Baħar Baltiku anki tul dan il-perjodu diffiċli u fil-perjodu li jmiss. Bħalma l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku kienet meqjusa bħala prova ta' kooperazzjoni makroreġjonali, l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija ser tkun ukoll l-ewwel waħda għall-Baltiku.

3.12

L-appendiċi hawn taħt jippreżenta l-ftehim għall-governanza f'diversi livelli tas-sħubija bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew li jista' jifforma l-bażi tal-att delegat sabiex jingħata effett għal kodiċi ta' kondotta dwar is-sħubija modifikat.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


APPENDIĊI

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija kif maqbul mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew nhar id-19 ta' Diċembru 2012

Is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli

1.

Għall-Ftehim ta' Sħubija u kull programm rispettivament, Stat Membru għandu skont il-qafas istituzzjonali u legali tiegħu jorganizza sħubija mal-awtoritajiet kompetenti reġjonali u lokali. Is-sħubija għandha tinkludi wkoll l-imsieħba li ġejjin:

a)

l-awtoritajiet kompetenti urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra;

b)

imsieħba ekonomiċi u soċjali;

c)

korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, inkluż l-imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi responsabbli għall-promozzjoni ta' inklużjoni soċjali, ugwaljanza bejn is-sessi u nondiskriminazzjoni.

2.

B'konformità mal-approċċ tal-governanza f'diversi livelli, l-imsieħba msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu involuti mill-Istati Membri fit-tħejjija ta' Ftehimiet ta' Sħubija u rapporti ta' progress matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi, inkluża l-parteċipazzjoni fil-kumitati ta' monitoraġġ għall-programmi skont l-Artikolu 42.

3.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 142 biex tipprovdi għal kodiċi ta’ kondotta Ewropew sabiex tappoġġa u tiffaċilita lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tas-sħubija skont il-paragrafi 1 u 2. Il-kodiċi ta’ kondotta għandu jelenka l-qafas, li fih l-Istati Membri skont il-qafas istituzzjonali u legali tagħhom kif ukoll il-kompetenzi nazzjonali u reġjonali tagħhom, għandhom isegwu l-implimentazzjoni tas-sħubija. Il-kodiċi ta’ kondotta, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, għandu jistabbilixxi l-elementi li ġejjin:

a)

il-prinċipji ewlenin biex jiġu segwiti l-proċeduri trasparenti għall-identifikazzjoni tal-imsieħba rilevanti inklużi, fejn xieraq, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom sabiex l-Istati Membri jiġu ffaċilitati biex jinnominaw l-imsieħba rilevanti l-aktar rappreżentattivi, skont il-qafas istituzzjonali u legali tagħhom;

b)

il-prinċipji ewlenin u l-aħjar prattiki rigward l-involviment tal-kategoriji differenti tal-imsieħba relevanti, kif stipulati fil-paragrafu 1, fit-tħejjija tal-Ftehim u l-programmi ta’ Sħubija, l-informazzjoni li għandha tingħata dwar l-involviment tagħhom, kif ukoll fil-varji stadji tal-implimentazzjoni;

c)

l-aħjar prattiki fir-rigward tal-formulazzjoni tar-regoli ta’ sħubija u proċeduri interni ta’ kumitati ta’ monitoraġġ li għandhom jiġu deċiżi, kif xieraq, mill-Istati Membri jew il-kumitati ta’ monitoraġġ tal-programmi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għall-Fond;

d)

l-objettivi ewlenin u l-aħjar prattiki fil-każijiet fejn l-awtorità ta’ ġestjoni tinvolvi l-imsieħba rilevanti fit-tħejjija ta’ sejħiet għal proposti u b’mod partikolari l-aħjar prattiki biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali f’każijiet fejn l-imsieħba rilevanti jistgħu jkunu benefiċjarji potenzjali, u għall-involviment tal-imsieħba rilevanti fit-tħejjija ta’ rapporti ta’ progress u fir-rigward tal-programmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għall-fond;

e)

l-oqsma indikattivi, it-temi u l-prattiki tajba sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej inkluża l-assistenza teknika fit-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-imsieħba rilevanti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għall-fond;

f)

ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tixrid ta’ prattiki tajba;

g)

il-prinċipji ewlenin u l-aħjar prattiki li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-Istati Membri tal-implimentazzjoni tas-sħubija u l-valur miżjud tagħha.

Id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ kondotta m’għandhom bl-ebda mod jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jew ir-regoli speċifiċi għall-Fond.

4.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-att delegat dwar il-kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar is-Sħubija, adottat skont l-Artikolu 142 u kif stipulat fil-paragrafu 3, simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien erba’ xhur mill-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-att iddelegat ma jistax jispeċifika ġurnata qabel il-jum tal-adozzjoni tiegħu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

5.

Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, ksur ta’ xi obbligu impost fuq l-Istati Membri jew minn dan l-Artikolu tar-Regolament jew mill-att delegat, adottat skont l-Artikolu 5(3), ma jistax jikkostitwixxi irregolarità li twassal għal korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 77 ta’ dan ir-Regolament.

6.

Mill-inqas darba fis-sena, għal kull Fond tal-QSK, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-imsieħba fil-livell tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sostenn mill-Fondi u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 341/02

Relatur: is-Sinjura VAREIKYTĖ

F’ittra tal-15 ta’ April 2013, is-Sur Vytautas Leškevičius, Viċi Ministru tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Republika tal-Litwanja, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Litwana, li jħejji opinjoni dwar

L-impjieg tan-nisa b'relazzjoni mat-tkabbir

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-impjieg tan-nisa m'għandux jitqajjem bħala dibattitu ieħor dwar l-ugwaljanza bejn is-sess, iżda minflok bħala ħtieġa ekonomika li twassal għal prosperità u impjiegi fl-Unjoni Ewropea – ħtieġa soċjali sabiex niffaċċjaw l-isfidi tad-demografija u t-tħassib soċjali u ambjentali sabiex ikun żgurat tkabbir sostenibbli.

1.2

Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa diġà kkontribwit sew għat-tkabbir tul l-aħħar 50 sena. Madankollu, sabiex jintuża l-potenzjal kollu tal-kontribut tan-nisa għat-tkabbir, għandhom jiġu implimentati miżuri aktar iffokati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali. Huwa importanti wkoll li jkun żgurat li dawn il-politiki jkunu komprensivi u li jinkludu mhux biss l-aktar ostakli ekonomiċi ovvji, iżda li jittrattaw l-oqsma tat-taxxa, is-sistemi tal-benefiċċji u l-pensjoni, id-drittijiet tax-xogħol, it-teħid tad-deċiżjonijiet, l-intraprenditorija, l-edukazzjoni, l-isterjotipi u l-vjolenza. Huwa ċar ukoll li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel għandhom jaqdu r-rwol tagħhom sabiex dawn il-kwistjonijiet li jinkludu bosta aspetti jkunu jistgħu jissolvew. In-nisa u l-irġiel għandhom ukoll jiġu involuti fid-djalogu u l-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti u fl-applikazzjoni tal-prattiki li kellhom suċċess.

1.3

Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi hawn taħt u tul it-test, il-prerekwiżiti ewlenin sabiex tinkiseb aktar il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-impjieg u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir huma:

l-integrazzjoni tal-qasam tas-sessi fil-politiki kollha tal-UE;

data kategorizzata skont is-sessi fil-ġbir tad-data stastika kollha, fejn ikun żgurat li qed jintuża s-sett minimu ta' 52 indikatur tas-sessi (1);

L-allokazzjoni tal-fondi tal-UE li huma sensittivi għad-differenzi skont is-sessi, l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imniżżlin fil-Valutazzjoni tal-appoġġ tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Fond Soċjali Ewropew (2);

It-tnaqqis tas-segregazzjoni skont is-sessi fl-edukazzjoni, sabiex l-ekonomiji jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-ġabra kollha tat-talenti tagħhom;

Appoġġ għat-transizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol permezz ta' taħriġ speċifiku u l-iżvilupp tal-ħiliet;

Aċċess għas-suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet u termini ugwali (inkluża d-diversità fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza reali f'termini ta' ħinijiet tax-xogħol u paga);

Xogħol diċenti u sudisfazzjon fuq ix-xogħol inkluż l-aċċess għas-servizzi li jippermettu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, kemm jekk ipprovdut mill-Istat jew mis-settur privat;

L-aġġustament tat-taxxa u tas-sistemi tal-benefiċċji, sabiex dawk li huma t-tieni persuna fil-familja li jaħdmu ma jkunux skoraġġuti milli jaħdmu, jew milli jaħdmu aktar sigħat;

L-għoti tas-setgħa lill-intraprendituri nisa sabiex dawn ikabbru n-negozji tagħhom u joħolqu l-impjiegi;

Il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

Il-provvista ta' servizzi ta' appoġġ għal ġenituri waħidhom li jinsabu f'diffikultà;

Il-provvista ta' faċilitajiet ta' akkoljenza tat-tfal full-time, bħala waħda mill-fatturi mexxejja sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

Jiġu indirizzati l-forom kollha tal-isterjotipar tas-sessi b'politiki li jiżguraw opportunitajiet ugwali fl-edukazzjoni, aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u l-progress fil-karriera;

Il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-vjolenza instigata skont id-distinzjoni tas-sessi.

2.   L-impatt fuq it-tkabbir

2.1

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li t-tkabbir ekonomiku waħdu m'għadux biżżejjed biex ikun żgurat progress reali tas-soċjetajiet, sakemm ma jkunx inklużiv u sostenibbli. Għaldaqstant, l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir kondizzjoni importanti sabiex jinkiseb dan il-progress. Fl-istess ħin, il-kejl tal-PDG m'għandux jibbaża iktar esklużivament fuq il-paradigma tal-produzzjoni diviża mill-konsum, iżda għandu jinkludi indikaturi bħalma huma l-benessri u s-sostenibbiltà (f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali) sabiex nimxu "lejn politika aktar bilanċjata" (3).

2.2

L-ugwaljanza bejn is-sessi ta' spiss titqies bħala restrizzjoni jew spiża. Jeħtieġ li nirrikonoxxu l-prezz tan-nonugwaljanza u l-kontribut ekonomiku pożittiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala investiment u fattur produttiv.

2.3

Il-miri tal-Ewropa 2020 – b'mod partikolari ż-żieda tar-rata tal-impjieg tal-persuni bejn 20 u 64 sena sa 75 % sal-2020 u t-tnaqqis tal-għadd ta' persuni foqra jew fir-riskju tal-faqar b'mill-inqas 20 miljun ruħ – huma impossibbli li jinkisbu mingħajr involviment aktar b'saħħtu tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-ħajja pubblika. Barra minn hekk, li tintlaħaq konverġenza assoluta fir-rati ta' parteċipazzjoni jirrappreżenta żieda ta' madwar 12 % fil-PDG per capita sal-2030 (4).

2.4

Fid-dawl ta' popolazzjoni ta’ età tax-xogħol li qiegħda tonqos (5), l-Ewropa mhux ser tilħaq it-tkabbir mixtieq jekk mhux ser iżżid il-potenzjal tas-suq tax-xogħol tan-nisa. Fl-2012, ir-rata tal-impjieg tal-irġiel (20-64) kienet 74,6 %, filwaqt li tan-nisa kienet 62,4 % biss. Meta l-impjieg jitkejjel skont l-ekwivalenti full-time, is-sitwazzjoni hija agħar, peress li l-livell attwali tal-impjieg tan-nisa huwa 53,5 % tal-forza tax-xogħol sħiħa tan-nisa li jaħdmu full-time (6).

2.5

Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa diġà kkontribwit ħafna għat-tkabbir tul l-aħħar 50 sena. Madankollu huwa importanti li wieħed jinnota li x-xogħol tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa ma jittiħidx bħala kontribut għall-ekonomija. L-iżvilupp ta' impjiegi li jipprovdu servizzi lill-familji ser jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni ta' din il-forma inviżibbli ta' xogħol f'xogħol imħallas u ser joħloq dħul fiskali, kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet, eċċ.

2.6

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa mingħajr impjieg mhux dejjem jiġu inklużi fl-istatistika u mhumiex irreġistrati bħala qiegħda iżda fil-fatt huma potenzjal mhux esplorat. Fil-fatt, il-livell aktar baxx fl-impjieg tan-nisa ma jissarrafx direttament f’qgħad iżda pjuttost f'nuqqas ta' attività jew f'xogħol mhux iddikjarat, għaliex l-effett "skoraġġanti" ftit li xejn joħloq offerti ta' impjieg għan-nisa. Għalhekk id-data statistika, fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, ma tistax turi s-sitwazzjoni reali u attwali. Il-KESE jappella sabiex id-data statistika miġbura u pproċessata fil-livell Ewropew dwar l-impjieg tan-nisa tiġi diżaggregata aktar b'rabta mal-oqsma tas-servizzi fil-privat.

2.7

Il-KESE jinnota li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jistabbilixxi miri għall-impjieg tan-nisa (7) peress li politiki ffokati jistgħu jnaqqsu d-diverġenzi bejn is-sessi u jippromovu l-inklużjoni, u b'hekk jiżdied sew il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tal-UE (8). Dawn il-politiki – li jinkludu (iżda mhumiex limitati għalihom) il-provvediment ta' servizzi ta' kura għall-membri tal-familja li huma dipendenti u li jneħħu d-diżinċentivi finanzjarji biex it-tieni persuna fil-familja tibda taħdem – huma essenzjali biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jużaw dawn il-politiki sabiex itejbu l-impjegabbiltà u biex jappoġġjaw l-aċċess għall-impjiegi u d-dħul lura għax-xogħol.

2.8

Awsterità stretta twassal għal tnaqqis fis-settur u s-servizzi pubbliċi, u n-nisa iktar għandhom ċans jitilfu l-impjieg tagħhom peress li huma jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. Il-gruppi li jbatu l-aktar minn tnaqqis fl-istandard tal-għajxien tagħhom minħabba tnaqqis fis-servizzi pubbliċi huma dawk tal-ġenituri waħidhom, li l-maġġoranza tagħhom huma wkoll nisa. Fl-istess ħin, in-nisa huma l-maġġoranza ta' dawk li jipprovdu kura mingħajr ħlas, u allura iktar hemm ċans li jkunu dawn li jirrimedjaw is-sitwazzjoni meta jsir it-tnaqqis fis-servizzi tal-kura soċjali (9). Il-Kummissjoni għandha tħejji studju komprensiv dwar l-impatt tal-awsterità fuq l-opportunitajiet ugwali sabiex jinstabu soluzzjonijiet aktar kwalitattivi, u tagħmel riċerka dwar kif il-miżuri ta' awsterità għandhom impatt fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjieg tan-nisa, fis-setturi tas-servizzi kemm pubbliku kif ukoll privati.

2.9

Ta' min ifakkar li dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika tal-UE jiffukaw fuq l-impjegabbiltà ġenerali iżda ma jidentifikawx miżuri sabiex jinvolvu l-potenzjal ta' nisa ekonomikament inattivi, li jistgħu jagħmlu kontributi sostanzjali għat-tkabbir tal-UE.

2.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-fondi tal-UE jiġu allokati b'mod aktar sensittiv għad-distinzjonijiet bejn is-sessi u jħeġġeġ kemm lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Valutazzjoni tal-appoġġ tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Fond Soċjali Ewropew (10).

3.   L-Edukazzjoni

3.1

Żieda fil-kisbiet edukattivi hija ekwivalenti għal madwar 50 % tat-tkabbir f'termini ta' PDG fil-pajjiżi tal-UE bejn l-1960 u l-2008; madwar nofs din iż-żieda irriżulta minn titjib fil-kisbiet edukattivi tan-nisa (11).

3.2

Ir-rapporti tal-EIGE (12) u l-OECD juru li n-nisa għadhom jiġu ppreżentati b'inqas opportunitajiet ta' impjieg mill-irġiel għal varjetà sħiħa ta' raġunijiet u jingħataw paga anqas għall-istess xogħol, avolja llum in-nisa għandhom kisbiet edukattivi ogħla mill-irġiel f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE.

3.3

Differenzi sistematiċi bejn is-sessi (13) fl-għażla tas-suġġetti jipprevjeni milli l-ekonomiji jagħmlu użu sħiħ tal-ġabra kollha tagħhom tat-talenti u għalhekk jimplikaw allokazzjoni ħażina ta' kapital uman u telf fl-innovazzjoni tal-potenzjal u t-tkabbir ekonomiku. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw id-diverġenzi bejn is-sessi fl-edukazzjoni billi jippromovu bidla fl-attitudni fost l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri u s-soċjetà fil-wisa' tagħha. Dan l-intervent għandu jibda minn kmieni fil-ħajja ta' student, qabel ma jidħlu l-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet sterjotipizzati dwar fiex jeċċellaw is-subien u l-bniet u x'l-iktar jieħdu gost jagħmlu.

3.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil inizjattivi u proġetti finanzjati mill-istrumenti tal-UE (fondi tal-FSE, programmi TTĦ, eċċ.). Dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw sabiex iżidu l-possibbiltajiet tan-nisa li qed jidħlu lura għax-xogħol biex jiksbu ħiliet u jaċċessaw l-impjieg u/jew għall-iżvilupp tal-karriera tan-nisa.

4.   Is-suq tax-xogħol

4.1

Bosta mill-Istati Membri tal-UE jiffaċċjaw il-problema doppja ta' popolazzjoni li qed tixjiħ u rati baxxi ta' fertilità. Dawn il-fatturi ser jimplikaw forza tax-xogħol li tiċkien tul l-20 sena li ġejjin jekk ir-rati tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa jibqgħu kostanti (14).

4.2

Jeħtieġ li jinbidlu sostanzjalment l-inugwaljanzi bejn is-sessi li huma predominanti fis-soċjetajiet Ewropej. Li jiġi appoġġat bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja għall-irġiel huwa pass importanti biex tinkiseb distribuzzjoni aktar ugwali tax-xogħol imħallas u mhux bejn in-nisa u l-irġiel. Tqassim aktar ugwali tal-liv tal-ġenituri bejn iż-żewġ ġenituri għandu jnaqqas id-diżinċentivi għall-min iħaddem biex jirrekluta nisa li għadhom f'età li jista' jkollhom it-tfal.

4.3

Bidliet fid-domanda għax-xogħol – pereżempju bil-ħolqien ta' metodi ġodda ta' produzzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol differenti, u, b'mod speċjali, il-bidla mill-manifattura u l-agrikoltura għas-servizzi – huma fatturi mexxejja importanti sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jwasslu għal żieda fid-domanda għal ħaddiema nisa.

4.4

Minkejja li x-xogħol part-time ħeġġeġ aktar nisa biex jingħaqdu mal-forza tax-xogħol formali, fuq medda twila ta' żmien ix-xogħol part-time jista' jnaqqas il-possibbiltajiet ta' taħriġ, prospetti ta' karriera, jaffettwa l-benefiċċji tal-pensjoni tal-irtirati u jżid ir-riskju tal-faqar kemm fil-mument kif ukoll fix-xjuħija. Dan jidher partikolarment fil-każ tal-part-time "mhux volontarju" li żdied f'dawn l-aħħar snin (15) billi, bħala tweġiba għall-kriżi, impjieg part-time huwa offrut immedjatament lin-nisa, li jkollhom jaċċettawh jew għax m'għandhom għażla oħra fit-tip ta' impjieg, jew biex jevitaw li jitilfu l-impjieg tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni lill-iżbilanċ kbir bejn in-nisa u l-irġiel fix-xogħol part-time (31,6 % u 8 % rispettivament). Għandhom jitneħħew l-ostakli kollha sabiex isir ċaqliq mix-xogħol part-time għal dak full-time.

4.5

Il-Kumitat jinnota li l-politiki li jħeġġu l-kunċett tal-unità familjali b'żewġ salarji u jgħinu lill-adulti li jaħdmu jlaħħqu mal-impenji tal-familja tagħhom huma fatturi importanti sabiex jagħtu spinta 'l quddiem lill-parteċipazzjoni tan-nisa. Taħlita adegwata ta' appoġġ imħallas bi flus u appoġġ mhux finanzjarju għandha rwol importanti wkoll.

4.6

Rati ta' taxxa ogħla fuq it-tieni persuna li taqla' l-flus fil-familja jistgħu jnaqqsu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol peress li dawn jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol (16). Għaldaqstant għandhom jiġu aġġustati s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex ma jiskoraġġux lit-tieni persuna li taqla' l-flus fil-familja.

4.7

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lix-xogħol informali u prekarju, inkluż l-impjieg taparsi indipendenti. Dan jaffettwa lin-nisa aktar mill-irġiel, u għaldaqstant jagħmilhom aktar suxxettibbli għall-isfruttament. L-Istati Membri tal-UE għandhom jirratifikaw mingħajr dewmien il-189 Konvenzjoni tal-ILO dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi (17), li tistabbilixxi standards tax-xogħol għall-ħaddiema domestiċi.

5.   Il-paga u l-pensjoni

5.1

Il-KESE jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi bejn is-sessi sabiex ineħħu d-differenza fil-pagi (li hija medja ta' 16,2 %) peress li paga indaqs ser iġġib magħha benefiċċji mhux biss għan-nisa iżda għas-soċjetà kollha kemm hi – skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta' punt perċentwali fid-differenza fil-pagi bejn is-sessi jżid it-tkabbir ekonomiku b'0,1 % (18).

5.2

Il-KESE jagħti leħen ukoll lit-tħassib tiegħu dwar id-differenza kbira fil-pensjonijiet – il-medja tal-UE-27 hija ta' 39 % (19) – li hija aktar mid-doppju tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Ta' tħassib kbir huwa n-nuqqas ta' viżibbiltà tal-problema. Mhux biss jeżistu differenzi kbar fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, iżda huma wkoll immensament kumplessi peress li jiddependu fuq stejjer passati tal-impjieg (b'mod partikolari differenzi fil-paga, ħinijiet u snin maħduma), fuq sistemi tal-pensjoni u, b'mod partikolari, fuq l-impatt tal-introjtu mill-karriera fuq il-benefiċċji tal-pensjoni u fuq kemm is-sistemi tal-pensjoni jikkompensaw għall-interruzzjonijiet fil-karriera sabiex tingħata kura lil tfal jew qraba dipendenti.

5.3

Għaldaqstant il-KESE jemmen li kemm it-tneħħija tad-differenzi fil-paga bejn is-sessi kif ukoll iż-żieda ta' "ħin mal-familja" – kura tat-tfal u l-anzjani, assistenza lejn membru tal-familja tul marda fil-qosor jew fit-tul, eċċ. – fis-sistemi tal-akkumulazzjoni tal-pensjoni kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa (filwaqt li tiġi żgurata l-possibbiltà għall-impjegati li jiksbu liv tal-familja għall-kura u l-assistenza) għandhom inaqqsu d-differenzi fil-pensjoni bejn is-sessi (20).

6.   L-intraprenditorija

6.1

Studju riċenti tal-OECD (21) jenfasizza li d-disparitajiet bejn is-sess fl-intraprenditorija huma kbar u reżiljenti u mifruxa f'ħafna dimensjonijiet, inklużi l-preferenzi soġġettivi għall-intraprenditorija, id-daqs tan-negozju u l-prestazzjoni finanzjarja, l-aċċess għall-kapital finanzjarju u l-użu ta' dan. L-intraprendituri nisa għandhom għanijiet addizzjonali apparti l-massimizzazzjoni tal-profitt, u l-miżuri usa' ta' prestazzjoni tagħhom jenfasizzaw il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

6.2

Jekk in-nisa jingħataw l-għajnuna biex jibdew in-negozji tagħhom u jiġi appoġġjat it-tkabbir ta' kumpaniji eżistenti mmexxija min-nisa, dan jista' jikkontribwixxi (22) għall-ħolqien ta' aktar impjiegi, aktar innovazzjoni, aktar kompetittività u tkabbir ekonomiku u titnaqqas l-esklużjoni soċjali. Jinħtieġu miżuri sinifkanti sabiex nikkapitalizzaw fuq il-potenzjali kollu tal-intrapriżi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjieg fl-Ewropa, b'mod speċjali wara l-kriżi.

6.3

Il-KESE diġà ppropona li jittieħdu l-passi li ġejjin għall-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fil-livell tal-UE (23):

Il-ħolqien ta' uffiċċju tas-Sjieda ta’ Negozji minn Nisa Ewropej sabiex tiġi stabbilita infrastruttura li tappoġġja l-intraprenditorija tan-nisa;

Jinħatar Direttur għall-Intrapriżi tan-Nisa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-ministeri għall-intrapriżi tal-Istati Membri għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ekonomiċi li aktar nisa jitħeġġu jibdew u jkabbru n-negozji;

Il-ġbir ta' data kkategorizzata skont is-sessi dwar l-intrapriżi tan-nisa madwar l-Ewropa.

7.   Deċiżjonijiet tal-Kunsill

7.1

Studji internazzjonali (24) jikkonfermaw li n-nisa f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni għandhom impatt pożittiv fuq il-prestazzjoni finanzjarja korporattiva, il-kultura korporattiva, l-istil tal-ġestjoni u r-reżiljenza għall-kriżi. In-nisa jieħdu inqas riskji u jagħtu prijorità lill-iżvilupp sostenibbli, iżda l-ostakli għall-kisba tal-ugwaljanzi bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma aktar profondi milli huwa pubblikament ammess.

7.2

Il-KESE jispera li jiġi adottat standard minimu ta' parteċipazzjoni ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-korpi pubbliċi u privati kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ispirtu ta' awtoregolazzjoni. Il-kumpaniji elenkati u l-korpi kollha tas-settur pubbliku għandhom jippromovu applikazzjoni u proċeduri ta' ħatra trasparenti kif ukoll kultura ta' inklużjoni u libertà tal-għażla. Madankollu, ftit ser jinkiseb mingħajr ir-rieda kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa li jieħdu azzjoni pożittiva.

7.3

Il-KESE jirrakkomanda li dawk li jfasslu l-politiki kif ukoll il-kumpaniji jħarsu mill-ġdid lejn il-kwistjonijiet sussegwenti biex jiżguraw li jinkiseb il-bilanċ bejn is-sessi fil-korpi kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet:

viżibbiltà aħjar tan-nisa fi rwoli ogħla;

aktar trasparenza fil-proċedura ta' tfittxija għal impjegati ġodda

żvilupp u żamma ta’ massa kritika;

konfrontazzjoni tal-isterjotipi assoċjati mar-rwoli tal-ġeneri;

ippjanar tas-suċċessjoni fil-pożizzjonijiet tat-tmexxija;

ħolqien ta’ sors ta’ talenti;

appoġġ sabiex jitwaqqfu netwerks ta' superviżjoni fis-setturi pubbliċi u privati;

tixrid ta’eżempji ta’ prattiki tajba; u

ħolqien ta’ bażi tad-data kkoordinata fil-livell Ewropew ta’ nisa kkwalifikati biex jokkupaw karigi fejn jittieħdu deċiżjonijiet.

7.4

Sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) (25), il-KESE jħeġġeġ li jkun hemm rappreżentazzjoni ugwali ta' rġiel u nisa fil-ħajja pubblika u, b'mod speċjali, fil-politika, peress li s-sottorappreżentazzjoni attwali tillimita d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tan-nisa (26). L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali, għandhom imexxu billi jagħtu eżempju u jintroduċu miri għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-korpi politiċi u amministrattivi tagħhom, b'mod speċjali fl-ogħla livelli.

8.   L-akkoljenza tat-tfal

8.1

Fattur importanti li jinfluwenza l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa l-aċċess għal faċilitajiet ta' akkoljenza tat-tfal full-time b'mod partikolari għal tfal żgħar. Iż-żidiet fl-infiq pubbliku fuq is-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal huma direttament marbuta ma' żidiet fl-impjieg full time tan-nisa (27).

8.2

Għaldaqstant jeħtieġ li jintlaħqu l-miri ta' Barċellona. Madankollu, skont rapport riċenti mill-Kummissjoni, fl-2010 10 Stati Membri biss kienu kisbu l-mira ta' Barċellona għal tfal taħt it-3 snin. Fl-istess sena, fil-kategorija ta' tfal bejn it-3 snin u l-età ta' attendenza obbligatorja fi skola, 11-il Stat Membru biss kienu kisbu l-objettiv ta' 90 % (28).

8.3

Peress li l-Istati Membri bl-ogħla rati ta' twelid huma wkoll dawk li għamlu l-aktar biex jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri u li għandhom l-ogħla rati ta' impjieg tan-nisa (29), l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ aktar effettiv, aċċessibbli, kwalitattiv u li jista' jintlaħaq finanzjarjament għall-familji bit-tfal permezz ta' politiki (30) bħalma huma:

Ninvestu fit-tfal – permezz ta' programmi ta' intervenzjoni għal tfal żgħar, b'mod partikolari dawk li joffru lill-familji servizzi direttament fid-dar jew miċ-ċentru, li jiffukaw fuq il-familja.

Nirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet tal-familja u x-xogħol – permezz ta' koordinazzjoni bejn firxa ta' oqsma bħalma huma l-provvediment ta' akkoljenza tat-tfal, liv tal-ġenituri u postijiet tax-xogħol li huma akkoljenti għall-familja.

Noħolqu qafas favorevoli sabiex inżidu r-rati ta' fertilità – flimkien ma' politiki ta' rikonċiljazzjoni, permezz ta' effiċjenzi fiskali (eż. l-iskema taċ-Childcare Voucher fir-Renju Unit) u politiki mmirati biex l-ispejjeż involuti fit-trobbija tat-tfal jitqassmu aktar fil-wisa', fejn koppji żgħar jitħallew jiksbu aċċess għal akkomodazzjoni li jifilħu jħallsu għaliha u jkollhom bażi sigura fis-swieq tax-xogħol.

9.   L-isterjotipi u d-diskriminazzjoni

9.1

Minkejja li żieda fil-kisbiet edukattivi tal-bniet tul dawn l-aħħar deċennji tat spinta lill-potenzjal ta' introjtu tan-nisa, l-attitudnijiet tas-soċjetà fir-rigward tax-xogħol tan-nisa, u l-inkompatibbiltà bejn il-valuri tal-familja u l-ugwaljanza jibqgħu ostaklu għall-bilanċ bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

9.2

Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa li għandhom diżabbiltà, huma migranti jew jagħmlu parti minn minoranza etnika. F'dan is-sens, jeħtieġ implimentazzjoni malajr tad-direttiva dwar it-trattament ugwali (31).

9.3

Il-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss kwistjoni soċjali mhux ġustifikabbli, iżda tinvolvi wkoll spiża ekonomika għolja. Huwa stmat li l-vjolenza kontra n-nisa għandha spiża annwali ta' mill-inqas EUR 32 biljun fis-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa (32). Il-politiki pubbliċi kontra l-vjolenza fuq bażi ta' sessi għandhom rwol importanti x'jaqdu; l-immaġni tradizzjonali tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà ser tinbidel biss meta n-nisa jkollhom aċċess għall-poter fuq bażi ugwali bħal dik tal-irġiel.

9.4

Ir-rwol tal-industrija tal-midja huwa kruċjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-midja mhux biss tirrifletti iżda toħloq ukoll tendenzi u regoli soċjokulturali u għandha rwol b'saħħtu ħafna fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u l-kultura. Barra minn hekk, huwa preċiżament il-kontenut tal-midja li jippromovi fehim fil-wisa' tal-kumplessitajiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi fost il-parteċipanti kollha f'soċjetà, inklużi dawk li jfasslu l-politika u l-pubbliku, u għaldaqstant hemm urġenza sabiex jiġu indirizzati l-inegwaljanzi li jippersistu fil-forma ta' sottorappreżentazzjoni (b'mod speċjali f'livelli ogħla), ostakli għall-avvanzament u paga baxxa (meta mqabbla ma' tal-irġiel) fis-settur tal-midja (33).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Istatistika dwar l-Istatistika skont is-Sessi (E/CN.3/2013/10).

(2)  Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, 2011.

(3)  ĠU C 181,21.6.2012, p. 14-20.

(4)  "Closing the Gender Gap: Act Now", OECD, Diċembru 2012.

(5)  Il-popolazzjoni ta’ età tax-xogħol mistennija tonqos tul it-tletin sena jew iktar li ġejjin b'rata ta' madwar 1 u 1,5 miljun fis-sena, skont esperjenzi riċenti mill-pajjiżi OECD u l-Unjoni Ewropea, OECD, 2012.

(6)  "Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol", il-Kummissjoni Ewropea, 2013.

(7)  "Annual Growth Survey 2013", Kummissjoni Ewropea, 2012.

(8)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Progress fl-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel fl-2012 – Dokument li jakkumpanja r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, SWD (2013) 171 final.

(9)  "TUC Women and the Cuts Toolkit", Trade Union Congress, 2011.

(10)  Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, 2011.

(11)  Effects of Reducing Gender Gaps in Education and Labour Force Participation on Economic Growth in the OECD (L-effetti tat-tnaqqis fid-disparità bejn is-sessi fl-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol fuq it-tkabbir ekonomiku fl-OECD), DELSA/ELSA/WD/SEM(2012)9, OECD, 2012.

(12)  Gender Equality Index Report, European Institute for Gender Equality, 2013.

(13)  Fl-2010, 77 % tal-gradwati fil-qasam tal-edukazzjoni, 74 % fis-saħħa u l-benessri u 65 % fl-istudji umanistiċi kienu nisa Ewropej, iżda 25 % tal-gradwati fil-qasam tal-inġinerija u 38 % fix-xjenza, matematika u xjenza tal-kompjuter biss kienu nisa, Rapport dwar l-Inizjattiva dwar is-Sessi: l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Edukazzjoni, l-Impjieg u l-Intraprenditorija, OECD, 2011.

(14)  Drivers of Female Labour Force Participation in the OECD, (Promoturi tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa fl-OECD), DELSA/ELSA/WD/SEM(2013)1, OECD, 2013.

(15)  Mit-total tal-impjegi part-time tan-nisa, 23,4 % mhux volontarju (medja għall-UE, 2011). Sors: Lisbon Assessment Framework Database

(16)  Drivers of Female Labour Force Participation in the OECD, (Promoturi tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol tan-nisa fl-OECD), OECD, 2013.

(17)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, C189 - il-Konvenzjoni Ħaddiema Domestiċi, 2011.

(18)  Il-Parlament Ewropew, Mozzjoni għal Riżoluzzjoni (B7-XXXX/2013), 17.6.2013.

(19)  Id-Disparità bejn is-Sessi fil-Pensjonijiet fl-UE, il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja, 2013.

(20)  Fl-opinjoni tiegħu “ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg”, (SOC/338, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15–21), il-KESE jinsisti li l-ħin meħud għal skopijiet ta' kura għandu jiġi finanzjat bl-istess mod bħall-irtirar.

(21)  Women Entrepreneurs in the OECD: key evidence and policy challenges, (Intraprendituri Nisa fl-OECD: evidenza ewlenija u sfidi politiċi), DELSA/ELSA/WD/SEM(2013)3, OECD, 2013.

(22)  Il-Bank Dinji, Linji gwida u Każijiet ta' Studju tal-Programm dwar l-Intraprenditorija tan-Nisa, 11/04/2013 – "Fl-Istati Uniti, pereżempju, il-kumpaniji fejn il-proprjetarji huma nisa qed jiżdiedu aktar mid-doppju tar-rata tal-kumpaniji l-oħra kollha, jikkontribwixxu madwar $3 triljuni għall-ekonomija tal-Istati Uniti u huma direttament responsabbli għal 23 miljun impjieg".

(23)  ĠU C 299, 04.10.2012, p. 24.

(24)  "Women Matter", McKinsey; "Do Women in Top Management Affect Firm Performance?", Smith and Verner; "Diversity and gender balance in Britain plc", TCAM; "Mining the Metrics of Board Diversity", Thomson Reuters; eċċ.

(25)  Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010 -2015), il-Kummissjoni Ewropea, 2010.

(26)  "Database on women & men in decision making", il-Kummissjoni Ewropea, DĠ Ġustizzja.

(27)  "Closing the Gender Gap: Act Now", OECD, 2012.

(28)  "L-objettivi ta' Barċellona", Kummissjoni Ewropea, 2013.

(29)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15-21.

(30)  "Extending opportunities: How active social policy can benefit us all", ISBN 92-64-00794-6, OECD 2005.

(31)  COM (2008) 426 final, 2.7.2008.

(32)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21-26.

(33)  EIGE, "Review of the implementation of the Beijing Platform for Action in the EU Member States: Women and the Media — Advancing gender equality in decision-making in media organisations", 2013.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli — Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE” (opinjoni esploratorja)

2013/C 341/03

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

L-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli – Il-kontribut tas-soċjetà ċivili Ewropea għall-pożizzjoni tal-UE

(opinjoni esploratorja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar it-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni bi 92 vot favur, 52 vot kontra u 21 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll lill-"grupp ta' ħidma miftuħ", stabbilit mis-67 assemblea ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta' Diċembru 2012, li jiġi applikat u mitlub il-metodu ta' valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali ex ante kemm għal dak li jikkonċerna l-fażi ta' identifikazzjoni tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-proċess ta' negozjazzjoni dinjija tal-għanijiet maħsuba biex jinkiseb valur applikabbli universalment, sabiex jinkisbu l-mezzi biex jinħoloq bilanċ bejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jistgħu jinħolqu jew jeżistu flimkien fost is-setturi jew iż-żoni ġeografiċi u tal-attivitajiet.

1.2

Il-programmi soċjali essenzjali kollha sabiex jitwettqu l-objettivi kollha tal-iżvilupp sostenibbli, li jikkonċernaw l-edukazzjoni u s-saħħa, kif ukoll dawk maħsuba għaż-żgħażagħ bla xogħol, m'għandhomx iġarrbu tnaqqis baġitarju.

1.3

Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-UE li timpenja ruħha għat-twettiq tal-Istrateġija 2020 permezz tas-Semestru Ewropew, billi tieħu l-opportunità biex tagħmel ir-rieda tagħha sinifikanti billi tipproponi strateġija soċjali, ekonomika u ambjentali "mhux frammentata" kif ukoll permezz ta' strateġija Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli integrat.

1.4

Jissuġġerixxi li s-soċjetà ċivili Ewropea tkun involuta fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-KES nazzjonali u istituzzjonijiet simili.

1.5

Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej biex:

1.5.1

ikomplu attivament bl-isforzi tagħhom dwar is-sħubija għall-iżvilupp permezz tal-Aġenda għall-Bidla tal-UE u l-politika esterna tal-għajnuna għall-iżvilupp u ta' kooperazzjoni, u min-naħa l-oħra jqisu l-interessi tagħhom u tal-imsieħba tagħhom fin-negozjati kummerċjali esterni bilaterali u multilaterali, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

1.5.2

isaħħu u jagħmlu stabbli l-mudell soċjali Ewropew sabiex ikollhom bażi soda u kompetittività li tibbaża mhux biss fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni teknoloġika tagħhom iżda wkoll ta' innovazzjoni lejn il-progress soċjali;

1.5.3

jużaw ir-riżorsi kollha li għandhom bil-għan li jiżviluppaw ekonomija ekoloġika, li hija effiċjenti fir-riżorsi u l-enerġija primarja u sekondarja, li hija ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tagħhom u, permezz ta' trasferimenti ekwi tat-teknoloġiji, għall-imsieħba kummerċjali tagħhom, ekonomija li tibbaża fuq tranżizzjoni tal-enerġija ffukata fuq il-kontroll tal-ħtiġijiet, il-provvista tal-aqwa teknoloġiji għall-ħżin tas-CO2 u b'emissjonijiet baxxi tas-CO2;

1.5.4

isaħħu s-servizzi pubbliċi u ta' interess ġenerali sabiex l-Ewropa tkun żona ta' prosperità ġusta fi ħdan il-fruntieri tagħha kif ukoll fil-preżenza tagħha barra mill-fruntieri tagħha, fid-delegazzjonijiet u l-kooperazzjoni pubblika tagħha.

1.5.5

jiddefinixxu servizzi pubbliċi fl-Ewropa, fuq il-bażi tad-drittijiet fundamentali ggarantiti liċ-ċittadini Ewropej, permezz ta' direttiva qafas dwar is-servizzi pubbliċi, li tmur lil hinn mill-approċċ ta' awtoregolazzjoni pura;

1.5.6

jirrikjedu li l-intrapriżi Ewropej u mhux Ewropej li jinsabu fit-territorju tagħhom iżidu dimensjoni effettiva mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji relatata mal-ambjent. Fil-fatt, l-intrapriżi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tal-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-ġestjoni tagħhom. Din ir-responsabbiltà għandha tkun espliċitament implimentata fil-katina tal-kuntrattur/sottokuntratturi tal-livell transnazzjonali fil-livell lokali, u għandha tkun stabbilita b'mod sod, trasparenti u traċċabbli. It-trasparenza u l-indipendenza għandhom jikkonċernaw ukoll lill-aġenziji ta' klassifikazzjoni u valutazzjoni;

1.5.7

iħeġġu u jappoġġjaw l-iżvilupp tal-SMEs u tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dik ibbażata fuq is-solidarjetà;

1.5.8

jaġixxu b'mod effettiv fuq il-kwistjonijiet ambjentali, billi jiggarantixxu dritt universali ġenwin għall-informazzjoni ambjentali u implimentazzjoni mtejba tal-Konvenzjoni ta' Aarhus u, aktar speċifikament, jagħtu s-setgħa lill-impjegati, permezz tal-korpi rappreżentattivi tagħhom fl-intrapriża, b'kapaċitajiet ta' twissija fil-qasam ambjentali;

1.5.9

jiddirezzjonaw mill-ġdid il-kompiti tal-banek u jorjentaw it-tfaddil lejn l-industrija u l-ekonomija msejħa reali, sabiex tiġi promossa t-transizzjoni ekoloġika, il-finanzjament u l-produzzjoni u l-adattament tal-akkomodazzjonijiet, l-edukazzjoni, il-politiki tal-enerġija u s-sikurezza alimentari, l-aċċess għall-ilma, l-isptarijiet, l-infrastruttura tat-triq, tal-port u tal-ferrovija, eċċ. li fl-Ewropa u fid-dinja huma l-kundizzjonijiet indispensabbli ta' żvilupp sostenibbli kemm jekk hu ekonomiku, tal-bniedem jew ambjentali;

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex:

1.6.1

timpenja ruħha bil-għan li tonqos l-ispekulazzjoni finanzjarja u jiġi promoss l-investiment aktar fit-tul;

1.6.2

tiġġieled kontra x-xogħol informali mhux dikjarat jew dikjarat ħażin fl-Ewropa u barra mill-Ewropa permezz ta' intrapriżi Ewropej tal-partijiet interessati, sabiex jiġu applikati r-regoli internazzjonali tax-xogħol, il-ġbir ta' kontribuzzjonijiet soċjali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus billi titwaqqaf sistema tajba ta' sanzjonijiet u jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kontrolli indipendenti (spezzjoni tax-xogħol);

1.6.3

tiġġieled ukoll kontra kull forma ta' tnaqqis fl-istandards internazzjonali tax-xogħol, ta' divalorizzazzjoni tax-xogħol u tad-dinjità ta' ċerti ħaddiema (dawk kollha li mhux qed jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom) u tippromovi kultura ġenerali ta' impjiegi stabbli u ta' protezzjoni soċjali sigura, li tiggarantixxi prosperità u kumdità soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-deċiżjoni li jinbeda proċess li għandu jwassal għall-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli kienet waħda mid-deċiżjonijiet prinċipali tal-Konferenza Rio+20. Il-proċess beda f’Jannar 2013 bit-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma miftuħ ta’ natura intergovernattiva, inkarigat sabiex jippreżenta, bejn Settembru 2013 u Settembru 2014, rapport u proposta lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont id-dokument finali tal-Konferenza Rio+20, dan il-proċess għandu jiġi kkoordinat mal-attivitajiet relatati mal-programm ta’ żvilupp ta' wara l-2015.

2.2

Din l-opinjoni hija marbuta mal-opinjoni fuq inizjattiva proprja tas-Sezzjoni NAT li ġiet adottata mill-KESE f'Ġunju 2013 dwar “L-Ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (1) u mal-opinjoni tas-Sezzjoni REX dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ħajja diċenti għal kulħadd - Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” (2). F’perspettiva Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli, ikun xieraq li jiġi mħares u kkonsolidat il-mudell soċjali Ewropew inseparabbli mit-transizzjoni b’suċċess lejn ekonomija ekoloġika. L-istennija ta’ ftehim internazzjonali dwar id-definizzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) ma tistax isservi ta’ skuża biex jiġu postposti jew imnaqqsa l-impenji meħuda fil-qafas tal-politiki ta' għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni mill-pajjiżi industrijalizzati.

2.3

Bl-ittra ta’ riferiment relatata ma’ din l-opinjoni esploratorja, il-Kummissjoni tistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, ekonomija ekoloġika inklużiva u l-qerda tal-faqar. Hija titlob li jiġi determinat kif jistgħu jiġu integrati b’suċċess id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-għanijiet universali futuri ta’ żvilupp sostenibbli. F’dan ir-rigward, hija tixtieq li l-perspettivi tas-sieħba internazzjonali tal-Kumitat ilaħħmu d-diskussjoni.

2.4

Tul iż-żewġ laqgħat tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu, il-KESE ħejja seduta ta' smigħ tar-rappreżentanti tal-gruppi prinċipali ("Major Groups") rikonoxxuti min-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-Konferenza Rio+20.

2.5

In-NU, min-naħa tagħhom, waqqfu Grupp ta' Livell Għoli magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet sabiex jipproponi rapport inizjali f'Settembru 2013, u fl-14 ta' Mejju, is-sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, is-Sur Achim Steiner, indirizza lill-KESE u lil rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili dwar it-tema "Inwettqu progress fl-iżvilupp wara l-Konferenza Rio+20". Huwa esprima l-ħtieġa li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni kompletament inklużiv dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li għandhom jinvolvu lill-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Is-Sinjura Kitty van der Heijden, l-ambaxxatriċi tal-Pajjiżi Baxxi għall-iżvilupp sostenibbli u membru tal-"grupp ta' ħidma miftuħ", qasmet l-esperjenza tagħha mal-grupp ta' ħidma tan-NU.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-idea li jiġu inklużi l-SDG fid-dikjarazzjoni Rio+20 ġiet introdotta mill-Gvernijiet tal-Kolombja, il-Gwatemala u l-Perù. Abbażi tal-Aġenda 21 u l-Pjan ta’ implimentazzjoni ta’ Johannesburg, huma rrakkomandaw, fi proposta konġunta, li tiġi stabbilita firxa limitata ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu sabiex tiġi żgurata mobilizzazzjoni politika mġedda favur l-iżvilupp sostenibbli. Dawn it-tliet pajjiżi tal-Amerika Latina (flimkien mal-kontribut ulterjuri tal-Emirati Għarab Magħquda) ipproponew tmien oqsma ta’ azzjoni possibbli għall-SDG: sikurezza tal-ikel, ilma, enerġija, bliet, oċeani, sistemi naturali, użu effiċjenti tar-riżorsi, u impjieg.

3.2   Skont id-dokument finali tal-Konferenza Rio+20 bit-titolu “Il-futur li nixtiequ”, l-SDG għandhom:

ikunu bbażati fuq l-Azzjoni 21 u fuq il-Pjan ta’ implimentazzjoni ta’Johannesburg;

ikunu bbażati fuq l-impenji preċedenti;

jikkonċernaw prinċipalment l-oqsma prijoritarji għall-għanijiet tal-kisba ta’ żvilupp sostenibbli, b’konformità mad-dokument finali;

iqisu, b’mod bilanċjat, it-tliet partijiet tal-iżvilupp sostenibbli u r-rabtiet li jeżistu bejniethom;

ikunu konformi ma’ u integrati fil-programm ta’ żvilupp tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal wara l-2015;

ma jnessux l-għanijiet ta’ żvilupp tal-Millennju;

jipprevedu parteċipazzjoni attiva mill-partijiet interessati kollha tal-proċess, skont il-każ.

Barra minn hekk, huma għandhom ikunu konkreti, fil-qosor, faċli biex jinftiehmu, f’numru limitat, ambizzjużi, ta’ firxa mondjali u li jistgħu jiġu applikati fil-pajjiżi kollha (jitqiesu r-realtajiet rispettivi ta’ dawn il-pajjiżi).

3.3   Idealment, il-Konferenza ta' Rio +20 titlaq bi pjan direzzjonali fejn tiġi ppreżentata dinja li fiha kull bniedem jista’ jgawdi d-drittijiet tiegħu u jgħix f’kundizzjonijiet ugwali, mingħajr ma jiġi soġġett għall-inġustizzja tal-faqar, u f’armonija mar-riżorsi tal-pjaneta.

3.3.1

Skont Oxfam International (Oxfam, L-Għanijiet ta' Żvilupp għal wara l-2015: il-Pożizzjoni ta' Oxfam International, Jannar 2013), pereżempju, il-qafas għal wara l-2015 għandu jappoġġja din il-viżjoni, jiddefinixxi l-għanijiet li jirriżultaw minnha u jagħti dettalji dwar l-approċċ li rridu nsegwu biex din issir realtà. Sabiex jintlaħaq il-benessri ta’ kulħadd filwaqt li jiġu rispettati l-kapaċitajiet tal-pjaneta jeħtieġ li l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku jiġi aġġustat b’mod fundamentali.

3.3.2

Dejjem skont din l-NGO, id-dibattiti rigward wara l-2015 jibqgħu inċerti dwar ir-rwol li għandu jkollu l-qafas, u kif dan jista' jwassal għal bidla konkreta tas-sitwazzjoni tal-persuni li jgħixu fil-faqar. Huwa kruċjali li jintlaħaq ftehim dwar il-mod kif ser jinkisbu l-għanijiet sabiex dan jiġi definit b'mod preċiż. Dawn l-għanijiet għandhom iservu biex tiġi stimolata r-rieda politika u l-inizjattivi pubbliċi maħsuba biex jeqirdu l-faqar u l-inugwaljanzi u biex jipproteġu l-pjaneta, billi:

jesprimu viżjoni u prijoritajiet komuni għall-awtoritajiet pubbliċi u l-komunità internazzjonali, li jservu ta' bażi għal bidliet radikali;

jagħtu liċ-ċittadini għodda b'saħħitha biex jieħdu azzjoni għad-difiża tal-kawża sabiex iwettqu bidliet fil-politika, jobbligaw lis-setgħat pubbliċi u lis-settur privat jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jniedu l-inizjattivi tagħhom favur il-bidla;

iħeġġu l-bidla fil-livell tal-politika u proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni nazzjonali permezz ta' teħid ta' azzjoni għad-difiża tal-kawża, il-finanza, il-pressjoni mill-pari (pereżempju minn pajjiżi oħra jew mil-livell reġjonali) kif ukoll trasparenza akbar u ġbir aħjar tad-data, li għandhom jakkumpanjaw l-għanijiet il-ġodda;

jiġi faċilitat id-djalogu u tissaħħaħ ir-responsabbilizzazzjoni fil-livelli kollha: bejn l-Istati u ċ-ċittadini tagħhom, l-Istati u s-settur privat, l-Istati u l-korpi intergovernattivi, bejn l-imsieħba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u bejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi responsabbli;

jissaħħu l-pertinenza, il-koerenza u t-trasparenza tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet internazzjonali, bħalma huma n-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

3.4   Ekoloġizzazzjoni tal-intrapriżi u ħolqien ta’ impjiegi

3.4.1

Kull irkupru sostenibbli tal-ekonomija reali jrid bilfors jgħaddi minn mudell ta’ produzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Filwaqt li tappoġġja qafas politiku Ewropew fir-rigward tal-klima aktar komplet u aktar ambizzjuż sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi usa’ għall-Orizzont 2050, l-Ewropa għandha tappoġġja l-bażi industrijali tagħha u l-oqsma u l-kompetenzi marbuta magħha.

3.4.2

L-isfidi prinċipali huma li nagħrfu kif nilħqu l-għan ta’ ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’emissjoni baxxa ta’ karbonju u kif għandha tiġi mmaniġġjata din it-transizzjoni. Għandha tingħata importanza lil żewġ punti: il-politika industrijali li għandna nsegwu biex naslu għal ekonomija ekoloġika li tħares il-bażi industrijali tagħha u l-perspettivi tal-impjieg f’dan il-qafas (Béla Galgóczi, L-ekoloġizzar tal-industriji u l-ħolqien tal-impjiegi, ETUI, 2012).

3.4.3

L-industrija għandha rwol mexxej fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-iskambji kummerċali u fuq skala iżgħar fil-qasam tal-investiment. It-transizzjoni lejn mod ta' żvilupp b'livell baxx ta' karbonju – fejn titjieb l-effiċjenza fl-enerġija, il-valorizzazzjoni tax-xogħol sostenibbli u l-protezzjoni tas-saħħa – saret kruċjali.

3.4.4

L-Ewropa qed tesperjenza waħda mill-iktar rati baxxi ta' tkabbir fl-istorja tagħha mill-1929, iżda żewġ fatturi huma meħtieġa u essenzjali sabiex jitwettqu l-għanijiet futuri għal żvilupp sostenibbli fit-tul: 1) emissjoni baxxa tas-CO2, 2) demokrazija.

3.4.5

L-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha ta' riċerka u żvilupp sabiex toħloq l-għadd ta' impjiegi meħtieġa għall-popolazzjoni attiva tagħha, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet futuri tal-iżvilupp iġġenerati minn rati ogħla ħafna ta' tkabbir f'kontinenti oħra, f'oqsma varjati bħalma huma s-servizzi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, it-trasport, l-enerġija, l-akkomodazzjoni, l-urbanizzazzjoni, l-agrikoltura u l-ikel, eċċ.

3.5   L-impjieg, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir sostenibbli għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjoni, fl-UE u fuq skala mondjali.

3.5.1

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) irrikonoxxa li t-trattament ta’ awsterità kien aktar radikali milli kien ħaseb qabel. Minn dan nitgħallmu li d-doża għandha titnaqqas. Il-programmi soċjali essenzjali kollha, li jikkonċernaw kemm l-edukazzjoni kif ukoll is-saħħa jew dawk maħsuba għaż-żgħażagħ bla xogħol, m'għandhomx iġarrbu tnaqqis baġitarju. Il-ħtieġa ta’ finanzjament fl-Istati Membri tal-UE hija kritika wara l-kriżi finanzjarja internazzjonali u r-rifinanzjament tal-ekonomija reali mhuwiex kopert biżżejjed mill-ftehim tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE. Il-miżuri rrakkomandati mit-trojka Bank Dinji, FMI u Kunsill tal-UE ma jippermettux li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-irkupru ekonomiku ta’ tkabbir sostenibbli.

3.5.2

Il-politiki soċjali intelliġenti – bħall-programmi li jgħinu lill-persuni qiegħda jfittxu xogħol jew is-sistemi li jiftħu s-sigurtà soċjali għall-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna – ma jistgħux jitqiesu biss bħala spiża. Dan huwa investiment għall-futur.

3.5.3

Iż-żgħażagħ kienu milquta b’mod partikolari fiż-żona tal-euro kollha, bil-qgħad fost iż-żgħażagħ jilħaq it-22 %, u jaqbeż anke l-50 % f’ċerti pajjiżi bħal Spanja u l-Greċja. Fl-2010, ir-rata tal-impjieg ta' natura temporanja taż-żgħażagħ minn 15 sa 24 sena kienet ogħla mill-50 % u kważi laħqet is-70 % (Eurofound, It-tielet sondaġġ dwar il-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa, 2012);

3.5.4

Kullimkien, il-popli ħallsu prezz qares biex jirranġaw il-konsegwenzi diżastrużi tal-prattiki li rriżultaw irresponsabbli tas-settur finanzjarju.

3.5.5

L-UE għandha tagħti aktar importanza lid-dimensjoni soċjali, b’mod partikolari lid-djalogu soċjali, kif preveda l-pjan direzzjonali maħsub biex jikkompleta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea. Hija għandha tgħin lill-Istati Membri biex jistabbilixxu skemi ta’ garanziji għaż-żgħażagħ, itejbu d-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni industrijali, isaħħu s-servizzi tas-suq tax-xogħol, iżidu l-ħolqien ta’ impjiegi u jsaħħu l-investiment soċjali (ILO, Guy Ryders, L-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda tal-UE, 14 ta' Frar 2013).

4.   L-Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew

4.1

Mill-ewwel seduti organizzati mill-KESE ħareġ li l-korrelazzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet tas-soċjetà ċivili miġbura mill-UE u dawk li tibbaża fuqhom is-sistema tan-NU permezz ta' konsultazzjoni diretta mhux qed tintlaqa' bil-komprensjoni u t-trasparenza li ċ-ċittadini Ewropej huma intitolati jistennew. Il-kontribuzzjonijiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili jinsabu flimkien mal-kontribuzzjonijiet ta' dawk tal-gruppi ta' pressjoni ta' interess privat, fl-istess livell ta' dawk tal-gvernijiet, fi skeda li talloka ftit li xejn spazju biex jitħejjew dibattiti b'kunsiderazzjoni għall-indipendenza tal-organizzazzjonijiet u l-awtonomija tad-djalogu soċjali. Barra minn hekk, l-impressjoni li nħolqot tul is-segwitu tax-xogħlijiet tal-Konferenza ta' Rio+20, u tal-"grupp ta' ħidma miftuħ" hija dik ta' xenarju maħsub biex iniedi mill-ġdid approċċ predeterminat, daqslikieku d-damma diġà ntefgħet xi mkien ieħor.

4.2

Fortunatament, l-UE ddeċidiet li timplimenta l-approċċ kollu permezz tal-ekoloġizzazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tas-Semestru Ewropew sabiex tagħmel kontribut Ewropew armonizzat fejn l-Ewropa timplimenta u titkellem b'vuċi waħda fuq il-livell dinji.

4.3

Illum il-ġurnata huwa importanti li jiġi integrat it-tħassib marbut mal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma prinċipali tal-politika li attwalment huma l-Istrateġija “Ewropa 2020” u s-Semestru Ewropew, l-element prinċipali ta’ governanza tagħha.

Il-KESE jinnota b’ħafna interess l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jikkonfermaw li l-konklużjonijiet u l-proċessi miftiehma waqt il-Konferenza Rio+20 se jiġu implimentati u żviluppati fi ħdan l-Unjoni Ewropea permezz tal-Istrateġija “Ewropa 2020”. Il-KESE se jkun attent ferm biex jiżgura li dan ikun fil-fatt il-każ (Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Rio+20: L-eżitu u s-segwitu tas-Summit tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012 – Konklużjonijiet tal-Kunsill, 25 ta' Ottubru 2012, 15477/12).

4.4

Il-KESE qed isegwi b’ħafna attenzjoni t-tkabbir taċ-ċirku ta’ atturi li jipparteċipaw fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Din is-sena, id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent qed jipparteċipa b’mod ħafna aktar attiv minn qatt qabel; f’Diċembru li għadda, il-Kunsill għall-Ambjent iddiskuta għall-ewwel darba l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir. Il-KESE se jikkontribwixxi biex jiżgura li s-soċjetà ċivili jkollha l-opportunità li tlaħħam dan il-proċess bi kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli u dan fil-livell tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, li xi ftit minnhom minn issa ’l quddiem għandhom kompetenzi speċifiċi fis-suġġett, kif ukoll fil-livell tal-kunsilli nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

4.5

Fir-rigward tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ta’ min wieħed jinnota li mhux qed norbtu flimkien b’mod ċar biżżejjed il-kriżijiet differenti, jiġifieri l-kriżi finanzjarja, ekonomika, u soċjali, kif ukoll dik ambjentali, u bl-istess mod m’aħniex konxji biżżejjed li huwa ferm urġenti li nagħmlu progress serju lejn aktar ekoloġizzazzjoni billi nibdlu l-ekonomija kollha tagħna, u dan mhux minkejja l-kriżi, imma wkoll u fuq kollox minħabba fiha. M’għadux possibbli li nibqgħu f’din it-triq.

4.6

Fil-kuntest tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ta’ min wieħed jitlob li l-Unjoni Ewropea titkellem b’vuċi waħda. L-UE ma tistax timpenja ruħha fin-negozjati dinjija favur l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u mbagħad tittraskura dan is-suġġett fid-dokumenti prinċipali dwar il-politika ekonomika.

4.7

F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ referenza għall-kunċett ta’ tkabbir kwalifikattiv huwa wkoll xi ftit inkwetanti. Kif tista’ l-UE tkun prekursur fid-diskussjoni internazzjonali dwar l-indikaturi li jaqbżu l-PDG u tagħmel biss referenza għall-PDG fl-istħarriġ tagħha dwar it-tkabbir? Ċertament, id-dokument jeżamina l-problemi soċjali, imma ma jsemmix direttament l-għan li ngħixu tajjeb fil-limiti tar-riżorsi tal-pjaneta tagħna (li barra minn hekk huwa t-titolu tas-seba’ programm ta’ azzjoni għall-ambjent).

4.8

Id-diskussjoni dwar l-opportunità li jidħlu fis-seħħ indikaturi oħra tista’ b’xorti tajba tiġi mħeġġa minn kontributi numerużi u għandha issa twassal għal implimetazzjoni li tkun ibbażata fuq djalogu li jpoġġi f’pożizzjoni ugwali l-atturi istituzzjonali u r-rappreżentazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f’approċċ ta’ assoċjazzjoni mal-proċess deliberattiv tal-parteċipanti kollha interessati.

4.9

Il-KESE jinnota li t-twaqqif ta’ għajnuniet finanzjarji li għandhom effett ħażin fuq l-ambjent u l-introduzzjoni ta’ taxxi ambjentali saru elementi separati tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri u li din is-sena qed jiġu ttrattati s-suġġetti tal-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma mormi kif ukoll tat-titjib tar-riċiklaġġ.

5.   Il-konnessjoni bejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-SDGs

5.1   Għandu jintlaħaq ftehim xieraq dwar il-baġit tal-Unjoni dwar l-MDGs  (3).

5.1.1

It-tnaqqis tal-faqar hija kwistjoni ta’ ugwaljanza u ġustizzja li tkopri l-aċċess għal servizzi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni kif ukoll l-impjieg. L-MDGs ġew żviluppati billi ngħatat ħafna importanza lid-donaturi. Għall-qafas futur ta’ min nipprevedu:

aktar adeżjoni u parteċipazzjoni mill-pajjiżi msieħba, li fuqhom ikun impost b’mod definittiv it-twettiq tal-essenzjal tax-xogħlijiet;

qafas imsaħħaħ ta’ responsabbiltà reċiproka kemm għall-pajjiżi donaturi kif ukoll għall-pajjiżi msieħba; u

il-flessibbiltà meħtieġa sabiex tippermetti lill-pajjiżi msieħba jadottaw l-għanijiet ta’ żvilupp għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom.

5.1.2

Grazzi għal approċċ limitat biż-żmien u bbażat fuq ir-riżultati, it-tmien MDGs kellhom impatti profondi fuq il-politiki dwar l-iżvilupp internazzjonali. Billi kkonċentraw fuq firxa limitata ta’ għanijiet li jistgħu jitkejlu, huma kkontribwew biex żiedu u ggwidaw b’mod aktar effiċjenti l-għajnuna għall-iżvilupp. Madankollu, malli bdejna noqorbu lejn id-data tal-għeluq, stabbilita għall-2015, qed jidher ċar li l-għanijiet se jkollhom riżultati limitati, b’suċċessi u fallimenti.

5.1.3

L-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għandhom jikkompletaw il-firxa attwali ta’ għanijiet tal-millennju. Jeżistu żewġ differenzi kbar bejn l-SDGs u l-MDGs: l-SDGs huma ta’ ambitu dinji (għall-kuntrarju tal-MDGs li japplikaw prinċipalment għan-Nofsinhar) u għandhom dimensjonijiet li jmorru lil hinn mill-metanorma tat-tnaqqis tal-faqar (riżorsi naturali, konsum, produzzjoni, enerġija, drittijiet tal-bniedem, eċċ.).

5.1.4

Is-sentejn li ġejjin ser ikunu essenzjali għad-definizzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp li jmiss. Iż-żewġ proċessi – ir-reviżjoni tal-MDGs u r-rikonoxximent uffiċjali tal-SDGs – għandhom jipprovdu gwidi kruċjali għall-istruttura tal-iżvilupp sostenibbli wara l-2015.

Dawn għandhom jinkludu l-ibbaġitjar fil-politiki pubbliċi b’mod trasversali, u d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala fattur ewlieni tal-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi (4).

Il-kompitu huwa vast u għandu jkun ibbażat fuq l-għoti ta’ aktar importanza lid-drittijiet tal-bniedem, u lill-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet tas-OSĊ, għal approċċ iffukat fuq l-ekonomija u s-servizzi bħala mezzi ta’ żvilupp tal-bniedem (5).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 18-22.

(2)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 144-150

(3)  ĠU C 271, 19.9.2013, pp. 144-150.

(4)  ĠU C76, 14.3.2013, pp. 8-14.

(5)  ĠU C 161, 6.6.2013, pp. 82-86.

ĠU C 181, 21.6.2012, pp. 28-34.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 341/04

Relatur: is-Sur CHIRIACO

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-sigurtà tal-ikel u l-bijoenerġija.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settemrbu 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 3 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaħseb li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel trid titqiegħed fil-qalba tal-politiki tal-Unjoni Ewropea bħala prerekwiżit għal strateġija ta' stabbiltà globali.

1.2

Fid-dibattitu "ikel kontra fjuwil", filwaqt li jaqbel mal-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa biex titnaqqas id-dipendenza tagħna mill-importazzjoni tal-karburanti fossili, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-provvista tal-ikel, il-protezzjoni tal-art, il-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea u l-użu tal-art (1) u b'hekk issir korrelazzjoni mill-qrib bejn iċ-ċertezza tas-sigurtà tal-ikel u l-produzzjoni tal-bijoenerġija (2).

1.3

Il-KESE jaħseb li l-futur tal-Unjoni Ewropea jrid jissejjes fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali, u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli trid tkun marbuta b'mod strett mat-tilħiq ta' dawn l-għanijiet.

1.4

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti dwar tibdil fl-użu tal-art fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, peress li l-bijokarburanti attwali jiġu prodotti minn uċuħ agrikoli.

1.5

Filwaqt li jtenni l-fehma espressa fl-Opinjoni TEN/502 (3), il-KESE ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tevalwa t-"tibdiliet indiretti fl-użu tal-art" abbażi ta' tqabbil bejn sorsi tal-enerġija fossili u dawk bijoġeniċi, b'attenzjoni esklużiva mogħtija lill-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tnaqqis fl-importanza ta' kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista u l-impatt tal-karburanti fossili.

1.6

Filwaqt li l-Kumitat jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex, filwaqt li jitqiesu l-investimenti li diġà saru, tiġi limitata il-produzzjoni tal-bijokarburanti derivati minn uċuħ tal-ikel u biex jiġu inċentivizzati bijokarburanti "avvanzati", huwa jemmen madankollu li l-produzzjoni ta' bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni li jużaw l-injam u t-tiben tista' tnaqqas iċ-ċikli ta' assorbiment tal-karbonju u b'hekk iżżid il-livelli ta' CO2  (4).

1.7

Il-KESE jħoss li l-valutazzjoni tkun differenti kieku bħala materja prima tintuża wkoll il-mikroalka għall-produzzjoni tal-bijokarburanti; anke jekk din għadha ma saritx realtà kummerċjali, tista', meta mqabbla ma' bijokarburanti tal-ewwel ġenerazzjoni, toħloq inqas tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-art u tal-ilma.

1.8

Il-Kumitat jafferma bis-sħiħ il-konklużjoni fir-rigward tal-bijokarburanti li ħarġet mill-konferenza tal-KESE dwar is-sigurtà tal-ikel fl-2011 li skontha l-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun konformi ma' prinċipji komuni u soġġetta għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fejn il-komunità lokali tkun involuta mill-qrib, u b'hekk jiġi assigurat li tingħata attenzjoni bir-reqqa lid-dritt għall-ikel.

1.9

F'konformità ma' din il-valutazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta fil-livell Ewropew għodod bħall-indikaturi fil-livell tal-operatur, sabiex jiġi evalwat l-impatt potenzjali ta' proġetti tal-bijoenerġija fuq l-iskarsezza tal-ikel fil-livell tal-Istati Membri individwali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.1

Is-sistema tal-enerġija fil-livell internazzjonali bħalissa għaddejja minn perjodu diffiċli. Dan huwa parzjalment minħabba l-kriżi ekonomika globali, iżda fuq kollox minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika fit-Tramunata tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani.

2.1.2

Iċ-ċifri tal-OECD għall-2009 juru tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta' 4,4 % fil-livell globali, 5 % fl-Istati Uniti u 5,5 % fl-UE, filwaqt li d-domanda fil-pajjiżi mhux imsieħba fl-OECD żdiedet bi 2 %. Wieħed irid iżid ma' dan l-inċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima, fil-Ġappun, li wassal biex għadd ta' pajjiżi, fosthom il-Ġermanja, waqfu jużaw l-enerġija nukleari għall-produzzjoni tal-enerġija.

2.1.3

L-Ewropa bħalissa timporta 80 % taż-żejt, 60 % tal-gass naturali u 40 % tal-faħam meħtieġa biex tkopri l-ħtiġijiet kollha tal-enerġija tagħha, li huma stmati li jilħqu 1 583,3 Mtoe (Nomisma). Is-sehem ta' enerġija mhux rinnovabbli huwa 91 % (żejt 36,6 %, gass naturali 24,5 %, faħam 15,7 %, enerġija nukleari 13,6 %) u s-sehem rinnovabbli 9 % (6,1 % bijomassa, bijogass, skart muniċipali, 1,7 % enerġija idrawlika, 0,7 % enerġija mir-riħ, 0,3 % enerġija ġeotermali, 0,1 % enerġija fotovoltajka u mix-xemx).

2.1.4

L-Ewropa qiegħda ssir dejjem iżjed dipendenti mill-importazzjoni tal-enerġija. Qed jiġi previst li fl-2030, l-UE-28 se tkun qed timporta 84 % tal-gass naturali, 59 % tal-faħam u 94 % taż-żejt li għandha bżonn (EREC). Iċ-ċifri għall-2009 juru li t-trasport huwa s-settur li jikkonsma l-iżjed enerġija, bi 33 %; is-settur residenzjali jirrappreżenta 26,5 %; l-industrija 24,2 %; u s-servizzi 14 %; filwaqt li l-agrikoltura għandha l-inqas sehem, bi 2,3 %.

2.1.5

L-għanijiet li l-UE qed tfittex li tilħaq jistgħu jinġabru fil-qosor hekk:

tnaqqis fid-dipendenza minn enerġija mhux rinnovabbli importata, li tirrappreżenta 75 % tal-konsum tal-enerġija tal-Ewropa, ammont li jilħaq it-890,5 Mtoe;

żieda fis-sigurtà tal-provvista;

żieda fil-produzzjoni primarja fl-UE-28 mill-ammont attwali ta' 812 Mtoe;

jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u tal-gassijiet b'effett ta' serra.

2.2   Il-bidla fil-politika tal-enerġija

2.2.1

Fis-snin reċenti, is-sistema tal-enerġija bbażata fuq il-karburanti fossili wriet li għandha ħafna nuqqasijiet li jheddu s-sostenibbiltà futura tagħha u s-sigurtà tal-provvista, bil-ħtieġa li jiġu mmirati sorsi ta' enerġija sikuri f'sistema ta' importazzjoni kkontrollata tal-enerġija.

Hekk kif id-domanda għall-enerġija tkompli tikber (AIE – Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija), it-tgħawwir mistenni u li ma jistax jitwaqqaf tal-karburanti fossili se jipperikola l-kapaċità tal-Ewropa biex tilħaq mal-ħtiġijiet tagħha tal-enerġija li dejjem qed jiżdiedu. Dan it-tgħawwir joriġina min-natura mhux rinnovabbli ta' dawn il-karburanti fossili; il-proċess ta' trasformazzjoni involut jieħu ħafna żmien, li huwa inkompatibbli mal-ħtiġijiet ta' enerġija ta' soċjetà kontemporanja.

2.2.2

It-tipi ewlenin ta' enerġija rinnovabbli huma:

l-enerġija mix-xemx;

l-enerġija mir-riħ;

l-enerġija idrawlika;

l-enerġija ġeotermali;

l-enerġija mill-bijomassa.

Din mhijiex l-istampa kollha, speċjalment fir-rigward tar-riżultati tar-riċerka xjentifika.

2.2.3

Il-bijoenerġija tista' tiġi definita bħala enerġija li tinkiseb mill-bijomassa; il-bijomassa hija kklassifikata skont l-istat fiżiku agħha u tinqasam fi:

bijomassa solida, mill-forestrija, l-uċuħ tar-raba', l-iskart tal-pjanti u tal-annimali mill-agrikoltura;

bijogass: il-gass li joriġina mill-fermentazzjoni tal-bijomassa fin-nuqqas ta' ossiġenu, inkluż l-iskart muniċipali, id-demel, ir-residwi agrikoli u pagroindustrijali, il-ħama industrijali u l-bijomassa mill-injam;

bijolikwidi u bijokarburanti miż-żjut veġetali (kolza, soja, ġirasol, palm) miz-zokkor, minn uċuħ bil-lamtu u ċellulożiċi (pitrava, kannamiela, qamħirrun, qamħ, qasba kbira ("giant reed") kif ukoll il-bijolikwidu mill-proċess tal-piroliżi tal-bijomassa.

2.2.4

Il-bijomassa hija sors rinnovabbli li diġà sar sors tal-enerġija effiċjenti. Il-bijomassa hija kwalunkwe materjal organiku li jaqbad l-enerġija tax-xemx b'mod dirett jew mhux dirett matul il-proċess ta' fotosinteżi tal-klorofill. Il-bijomassa toriġina mill-għelejjel għall-enerġija jew minn residwi organiċi minn prodotti tal-foresti u l-ipproċessar tekniku ta' prodotti agrikoli.

2.2.5

Fil-livell globali, madwar 50 % tar-residwi potenzjali disponibbli joriġinaw mill-forestrija. Il-50 % l-oħra jiġu mill-agrikoltura, fejn installazzjonijiet li jaħdmu bil-bijomassa mill-agrikoltura u l-annimali huma ta' importanza partikolari (AIE).

2.3   Inizjattivi tal-UE favur l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli

Il-Protokoll ta' Kyoto, li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 1994;

Il-programm Altener għall-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli (Deċiżjoni tal-Kunsill 93/500/KEE);

Il-Green Paper dwar sorsi ta' enerġija rinnovabbli (1996);

Il-White Paper li stabbilixxiet l-objettiv ta' 12 % tal-enerġija użata minn sorsi rinnovabbli sal-2010;

Id-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

Id-Direttiva 2003/30/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti;

Id-Direttiva 2003/96/KE dwar ir-ristrutturar tal-qafas Komunitarju dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku;

COM(2005) 628 final – Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (mhux disponibbli bil-Malti);

COM(2006) 34 final – Strateġija tal-UE għall-bijokarburanti;

Il-Green Paper – Strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura (2006);

Il-pakkett Klima-enerġija (20-20-20), Kunsill Ewropew, 9 ta' Marzu 2007;

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Pjan Direzzjonali għall-enerġija rinnovabbli – L-enerġija rinnovabbli fis-seklu 21: nibnu futur iktar sostenibbli. COM(2006) 848 final (mhux disponibbli bil-Malti)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-appoġġ favur l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. SEC(2005) 1571 – COM(2005) 627 final (mhux disponibbli bil-Malti).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Il-bijoenerġija u kwistjonijiet soċjoekonomiċi

3.1.1

L-impatt soċjoekonomiku tal-bijoenerġija fil-biċċa l-kbira jiddependi mill-ispejjeż (inċentivi, nuqqasijiet strutturali) u l-benefiċċji (attivitajiet marbuta, effetti fuq il-PDG, tnaqqis tas-CO2, effetti fuq l-impjieg, tnaqqis tar-riskju tal-karburant, eliminazzjoni tal-ispejjeż għar-rimi tal-iskart, produzzjoni ta' fertilizzanti u prodotti sekondarji oħra) tagħha (Althesys). Barra minn hekk, meta l-prezz taż-żejt jiżboq is-USD 70 il-barmil, il-produzzjoni tal-bijoenerġija ssir kompetittiva.

3.1.2

Is-sistema attwali tal-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija għandha impatt fuq l-art, fuq l-ekonomija, fuq il-prezzijiet u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Il-Kumitat jaħseb li dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati sabiex jiġu rettifikati l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet.

3.1.3

Il-Kumitat jaħseb li l-iżvilupp tal-bijoenerġija għandu riperkussjonijiet fuq is-sigurtà tal-ikel għal raġunijiet marbuta mill-qrib ma' prezzijiet u fatturi lokali. L-effett dirett ewlieni fuq il-prezzijiet jinħoloq mid-domanda għall-bijokarburanti, peress li s-swieq tal-enerġija huma ikbar minn dawk agrikoli f'termini ta' valur. Il-prezzijiet tal-enerġija jiddeterminaw il-prezzijiet agrikoli tal-għelejjel għall-enerġija billi ż-żieda fid-domanda għall-enerġija marbuta ma' prodotti agrikoli tiddetermina l-prezz minimu taz-zokkor, il-qamħirrun, il-kolza u l-prezz massimu tagħhom, li jekk jinqabeż irendi l-użu tal-uċuħ agrikoli mhux kompetittiv meta mqabbel ma' sorsi oħra tal-enerġija bħar-riħ, ix-xemx u l-enerġija ġeotermali. Barra minn hekk, wieħed għandu jiftakar fil-problema ġenerali li prezzijiet tal-enerġija iktar għoljin iżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola.

3.1.4

Il-bijoenerġija qed toħroġ fid-dieher bħala soluzzjoni potenzjali li tista' tagħti ħajja ġdida lil żoni li huma ekonomikament magħkusa u li jintużaw ftit mil-lat agrikolu, b'mod partikolari f'setturi li qed jiżviluppaw fl-istadji diversi tal-produzzjoni, il-ħsad, it-trasport u l-ipproċessar. Anke minn perspettiva ekonomika u ta' impjieg, jistgħu jintlaħqu objettivi pożittivi: skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2005) 628 final, "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijomassa", l-impjieg dirett fl-2010 ġie kkalkolat li laħaq 300 000 ħaddiem ġdid, l-iżjed fiż-żoni rurali.

3.1.5

L-użu ta' art imsaġġra għall-għanijiet tal-enerġija jista' jgħin biex jiġu riabilitati komunitajiet lokali agriforestali permezz ta' tmexxija aħjar tal-art u ħarsien ta' żoni msaġġra. Barra minn hekk, hemm il-potenzjal li tiżdied il-kapaċità tal-ekosistemi tal-foresti li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom, jiġifieri li jipproduċu l-bijomassa mill-injam u jipproteġu l-wirt naturali u l-fertilità tal-ħamrija.

3.2   L-art

3.2.1

Il-KESE jiddispjaċih li, bħalma ġara fil-passat fil-każ taż-żejt, il-pajjiżi għonja m'għandhomx art li tista' tinħadem sabiex jiġi garantit il-forniment lill-popolazzjoni tagħhom, u li l-kumpaniji multinazzjonali jew anke l-fondi sovrani jinvestu b'mod konsiderevoli fil-pajjiżi terzi bil-għan li jisfruttaw l-art. B'dan il-mod, insibu ruħna f'tellieqa għall-ksib tal-art, bil-periklu li jinqerdu komunitajiet rurali bbażati fil-post u li ssir ħsara lir-riżorsi agrikoli u tal-foresti tal-popolazzjonijiet lokali. Il-KESE jaħseb li din is-sitwazzjoni hija ferm 'il bogħod milli tkun xempju ta' kif għandu jsir l-iżvilupp sostenibbli fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali.

3.2.2

Il-kunflitt dwar l-użu tal-art huwa kwistjoni splużiva, b'mod speċjali fil-każ ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew pajjiżi kbar bi ftit popolazzjoni (pereżempju il-Brażil jew l-istat ta' Iowa fl-Istati Uniti). Il-kunċett ta' kunflitt dwar l-użu tal-art, għalkemm jiftiehem faċilment, jista' jintwera b'mod iktar ċar permezz tal-fatt li l-ammont ta' qamħirrun li hemm bżonn sabiex jiġu prodotti 25 gallun ta' bijoetanol jista' jitma persuna waħda għal sena sħiħa (World Watch Institute).

3.2.3

Il-kunflitt dwar l-użu tal-art huwa problema marbuta mal-importazzjoni ta' bijokarburanti mill-UE u l-provvista tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali fl-Afrika u fix-Xlokk tal-Asja, meta wieħed iqis it-tensjonijiet li hemm f'dawn il-postijiet dwar is-sjieda tal-art fin-nuqqas ta' reġistri tal-art u d-dritt konswetudinarju.

3.2.4

Il-Kumitat jappoġġa l-istrateġija tal-UE dwar il-bijokarburanti, COM(2006) 34 final, l-iżjed fejn hija tiddikjara li huwa essenzjali li jiġu applikati standards minimi ambjentali adatti għall-produzzjoni tal-materja prima għall-bijokarburanti, u jenfasizza t-tħassib li tqajjem rigward l-użu ta' art li titqiegħed fil-ġenb minħabba l-impatt potenzjali fuq il-bijodiversità u l-ħamrija.

3.3   L-ilma

3.3.1

F'dinja dejjem iżjed żviluppata qed jiżdied dejjem iżjed l-użu mingħajr kontroll tar-riżorsi tal-ilma. Il-kawżi ta' dan huma ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u l-allokazzjoni tagħha, il-bidliet fid-drawwiet tal-ikel u l-piż tal-bijokarburanti. L-istrateġija attwali għall-iżvilupp tal-bijokarburanti se twassal b'mod definit li l-kriżi tal-ilma tiħrax, u l-aċċess għall-ilma jista' jkun fattur limitanti għall-produzzjoni ta' materja prima bħall-qamħirrun u l-kannamiela.

3.3.2

Il-Kumitat jaħseb li fir-rigward tal-uċuħ ikkoltivati għall-bijokarburanti, irid ikun hemm bidla lejn uċuħ mhux imsoqqija, li jistgħu jikbru wkoll f'żoni interni u żvantaġġati, billi biex jiġi prodott litru ta' bijodiżil jinħtieġu 4 000 litru ta' ilma għat-tisqija tal-uċuħ u għal matul il-proċess kimiku ta' trasformazzjoni.

3.4   L-ambjent

3.4.1

L-użu ħażin tal-ħamrija, u b'mod partikolari, tal-art għall-biedja, kemm għall-produzzjoni destinata għall-ikel kif ukoll għall-bijoenerġija, joħloq riskji potenzjali bħal:

pressjoni ikbar fuq is-settur kollu tal-agrikoltura minħabba l-intensifikazzjoni tal-koltivazzjoni (it-tirsis tal-ħamrija, l-eċċess ta' nutrijenti, il-konsum żejjed tal-ilma, l-erożjoni);

trasformazzjoni tal-għelieqi u tal-mergħat f'art li tinħadem għall-għelejjel għall-enerġija, bit-telf tal-bjar tal-karbonju;

telf tal-bijodiversità minħabba xejriet ta' produzzjoni intensivi;

omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġ (Rapport EEA 7/2006).

3.4.2

Madankollu, il-Kumitat jaħseb li l-użu razzjonali tal-ħamrija, b'rabta mill-qrib ma' prattiki tal-biedja tajbin applikati fl-UE, abbażi ta' uċuħ marbuta mal-produzzjoni ta' diversi tipi ta' bijoenerġija, jistgħu fil-fatt iżidu l-bijodiversità u jnaqqsu l-omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġ. Il-Kumitat jaħseb li, fil-każ tal-Ewropa, ma nistgħux induru lura f'dan ir-rigward.

3.4.3

F'dan il-kuntest, tinħtieġ enfasi fuq il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, għalkemm, peress li dawn il-karburanti huma ideali biex jiġu ttrattati bħala industrija intensiva, il-bdiewa jiġu relegati għar-rwol waħdieni ta' fornituri tal-materja prima, mingħajr l-ebda garanzija ta' gwadann finanzjarju. Il-Kumitat jaħseb li huwa neċessarju li jiġi bilanċjat mill-ġdid ir-rwol tal-bdiewa fir-rigward tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għelejjel għall-enerġija sabiex jiġu favoriti l-organizzazzjonijiet tal-produtturi matul il-katina tal-provvista, billi dawn jistgħu jaqdu rwol importanti fin-negozjati tal-kuntratti bbilanċjati mfassla mal-imsieħba b'approċċ "downstream".

3.5   L-approċċ Ewropew għall-bijoenerġija

3.5.1

Bil-koltivazzjoni fuq skala kbira tal-għelejjel għall-enerġija terrestri, tinħoloq il-ħtieġa għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-art għall-biedja. Il-produzzjoni tal-bijomassa għal finijiet ta' enerġija tista' tħalli impatt pożittiv fuq l-ambjent, iżda dan biss jekk issir b'mod adatt. Pereżempju, l-abbandun taż-żoni rurali ħoloq fatturi naturali li jiddestabilizzaw. Art mhux miżmuma minn attivitajiet pożittivi tal-bniedem hija esposta għal riskju ikbar ta' uqigħ tal-art, deżertifikazzjoni u nirien.

3.5.2

Il-Kumitat jaħseb li sabiex jiġi promoss l-iżvilupp integrat tal-bijoenerġija fil-prattika, irid jiġi żviluppat mudell ta' ġenerazzjoni distribwita u katini tal-enerġija qosra, li jinvolvu impjanti żgħar li jipproċessaw bijomassa prodotta lokalment u b'hekk iġibu magħhom benefiċċji f'termini tal-impatt ambjentali u l-possibilità reali li l-bdiewa jiġu involuti b'mod dirett fil-katina tal-produzzjoni (bħala individwi jew gruppi).

3.5.3

Il-Kumitat japprova l-linji gwida dwar prattika tajba li għandhom jiġu applikati għall-uċuħ diversi tal-bijoenerġija, li ressqet l-EEA, inklużi:

l-iżgurar tal-koltivazzjoni tal-art matul is-sena;

il-koltivazzjoni fuq telgħat;

il-ħolqien ta' "windbreaks" billi jiġu introdotti uċuħ ta' tul differenti;

iż-żamma u l-ħolqien ta' "windbreaks" bħala parti mill-konfini tal-għalqa, u l-introduzzjoni ta' prattiki li jevitaw it-telf tal-materjal organiku fil-ħamrija.

3.5.4

Il-Kumitat jaħseb li l-iżvilupp ta' biedja adatta orjentata lejn l-enerġija jista' jgħin jiżgura preżenza kostanti tal-bniedem fl-art, u b'hekk jiżgura li tiġi kurata u li jiġu sfruttati bis-sħiħ ir-riżorsi, b'mod partikolari tal-foresti.

3.5.5

Barra minn hekk, fis-settur agrikolu, il-produzzjoni tal-bijoenerġija tista' tintrabat mal-produzzjoni agroalimentari b'mod parzjali u kkontrollat, u b'hekk tgħin biex jiġu diversifikati l-mezzi kummerċjali, taġevola t-tranżizzjoni għal settur agrikolu dejjem iktar kompetittiv u toffri soluzzjonijiet mhux kuntrattwali fir-rigward tal-allokazzjoi ta' prodotti agrikoli mill-Istati Membri l-ġodda.

3.6   Sistemi ta' kontroll tal-kwalità tal-produzzjoni tal-bijoenerġija

3.6.1

Firxa diversifikata ħafna ta' metodi tintuża għall-istudju tal-effetti ambjentali tal-bijoenerġija. Fost dawn il-Kumitat jenfasizza:

il-marka tal-karbonju għall-produzzjoni tal-bijomassa;

valutazzjonijiet hekk imsejħa DPSIR (driving force, pressure, state, impact, response).

3.6.2

Fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCAs) jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw u jikkwantifikaw il-piżijiet ambjentali u enerġetiċi reali jew potenzjali preżenti fid-diversi stadji taċ-ċiklu tal-produzzjoni u l-konsum tal-bijoenerġija. Din it-teknika tippermetti tqabbil tal-profil ambjentali tad-diversi tipi ta' bijoenerġija ma' dak tal-karburanti fossili li għandhom funzjonijiet simili.

3.6.3

Il-Kumitat iqis bħala konsistenti mal-prinċipji li jidhru hawn fuq il-pożizzjoni tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fis-Sħubija Globali tal-Bijoenerġija, inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina, li ffirmaw ftehim internazzjonali dwar il-kontroll tal-użu tal-bijokarburanti u dwar l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u l-bilanċ tal-ikel. Kwalunkwe pajjiż jista' jkejjel is-sostenibbiltà ambjentali tal-bijoenerġija permezz ta' 24 kriterju u indikatur volontarji.

3.6.4

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jaħseb li meta tintuża art żejda għall-produzzjoni ta' materja prima għall-bijoenerġija hemm il-ħtieġa li mhux biss jiġu identifikati l-limitazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali involuti iżda wkoll li jiġi aċċertat, b'referenza għall-fattur ILUC (Indirect land-use change) jekk l-art li se tintuża għall-għelejjel għall-enerġija tistax twassal għal żieda fis-CO2.

3.6.5

Il-Kumitat jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmonitorja r-riskji assoċjati mal-bijokarburanti fis-settur tat-trasport (Direttiva 28/2009), li tillimita l-kontribut tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi prodotti minn uċuħ tal-ikel f'konformità mal-livell ta' maturità tad-diversi teknoloġiji, u li tħeġġeġ il-produzzjoni tal-bijoenerġija minn prodotti li ma joħolqux iktar domanda għall-art, bħall-ħruq tal-iskart muniċipali.

3.6.6

Il-Kumitat jaħseb li l-użu ta' bijokarburanti tal-ewwel ġenerazzjoni m'għandux jimpedixxi lill-UE milli tinvesti fir-riċerka dwar sorsi ġoddda ta' enerġija nadifa (5).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 198, 10.7.2013, P. 56-66.

(2)  ĠU C 110, 9.5.2006, P. 49-59 (MHUX DISPONIBBLI BIL-MALTI).

(3)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 56-66.

(4)  ĠU C 198, 10.7.2013, P. 56-66.

(5)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 111-115.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 341/05

Relatur: is-Sur COULON

Korelatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-12 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'177 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-prezzijiet tal-elettriku, il-gass, iż-żejt u ta' karburanti oħra qed ikomplu jiżdiedu b'mod sostanzjali u s-sistwazzjoni aggravat f'kuntest ta' kriżi soċjoekonomika li qed tolqot lil numru dejjem jiżdied ta' persuni. L-għan ta' din l-Opinjoni mhux li tiddetermina l-kawżi ta' din iż-żieda fil-prezzijiet iżda li tressaq xi proposti għall-promozzjoni ta' azzjoni Ewropea kkoordinata, li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija, il-promozzjoni tas-solidarjetà f'dan il-qasam u protezzjoni aħjar taċ-ċittadini vulnerabbli (Ewropej u oħra).

1.2

Fil-kuntest ta' kwistjoni politika tant importanti, il-KESE jitlob li jittieħed impenn Ewropew favur is-sigurtà u s-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija fil-qafas ta' Komunità Ewropea tal-Enerġija li qed jitlob li tinbena l-KESE.

1.3

Dan l-impenn Ewropew ta' sigurtà u solidarjetà fil-qasam tal-enerġija ser iwassal għal politika Ewropea ġenwina tal-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija u ta' solidarjetà fil-qasam u l-pilastru tagħha jkun ir-rikonoxximent tad-dritt tal-aċċess univerali għall-enerġija li l-KESE jqis bħala ġid komuni essenzjali sabiex kull persuna tkun tista' tgħix fid-dinjità. L-għan ta' dan l-impenn ikun li, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fuq dak twil:

tħares iċ-ċittadini mill-faqar fil-qasam tal-enerġija u timpedixxi l-esklużjoni soċjali tagħhom;

tieħu azzjoni sabiex tnaqqas il-fatturi strutturali ta' vulnerabbiltà (billi jiġi garantit aċċess bażiku għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli u stabbli;

tħeġġeġ lil kull individwu sabiex ikun responsabbli fl-użu tar-riżorsi tal-enerġija sostenibbli u rinnovabbli (u b'hekk tiġi żgurata tranżizzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju).

1.4

Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti indikaturi Ewropej tal-faqar fil-qasam tal-enerġija u li jiġu armonizzati l-istatistiċi għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-indirizzar aħjar tal-problema fil-livell Ewropew u biex tiġi żviluppata solidarjetà Ewropea fil-qasam.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li jinħoloq Osservatorju Ewropew tal-Faqar li jiffoka l-iktar fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija, li jiġbor fih il-partijiet interessati kollha u li jagħti kontribut sabiex jiġu identifikati l-indikaturi Ewropej tal-faqar fil-qasam tal-enerġija (b'koordinazzjoni mal-Eurostat), issir deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-aqwa prattiki, jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prevenzjoni u indirizzar tal-problema u biex tiġi stabbilità solidarjetà Ewropea f'dan il-qasam.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija (magħruf bħala l-Forum ta' Londra) jiġbor fost il-membri tiegħu rappreżentanti tal-KESE u li jaħdem mill-qrib mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri.

1.7

Il-KESE jixtieq suq tal-enerġija iffukat iktar fuq il-konsumaturi u b'mod iktar ġenerali fuq iċ-ċittadini (Ewropej u oħra), b'mod partikolari dawk li huma l-iktar vulnerabbli. Il-KESE jappoġġja kwalunkwe mekkaniżmu li jippermetti li dawn tal-aħħar jerġgħu jsiru sidien tal-"ħajja enerġetika" tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li fir-rapport li talab il-Kunsill Ewropew (minn issa sal-aħħar tal-2013) il-Kummissjoni Ewropea tintegra analiżi tal-faqar fil-qasam tal-enerġija fl-Unjoni li tinkludi fiha l-fatturi tal-vulnerabblità, tipproponi strateġija Ewropea u pjan direzzjonali għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni ta' dan it-tip ta' faqar. L-aktar kwistjoni importanti hija li tiġi pprevenuta kwalunkwe żieda fl-ispejjeż, liema żieda tista' tiġi evitata permezz ta' politika Ewropea armonizzata u effiċjenti tal-enerġija (ara l-Opinjoni TEN/508 "L-effetti ekonomiċi tas-sistemi tal-elettriku li jirriżultaw minn provvista miżjuda u intermittenti minn sorsi rinnovabbli" – CESE 2599/2012) (1).

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li qabel ma jiġu adottati l-miżuri prinċipali tal-politika tal-enerġija tal-UE u l-Istati Membri, issir analiżi tad-distribuzzjoni tal-impatt ekonomiku tagħhom fuq il-kategoriji differenti ta' konsumaturi (skont pereżempju id-dħul, il-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi jew it-tip ta' sistema ta' tisħin). L-għan ikun li jiġu aġġornati l-kategoriji ta' konsumaturi li jistgħu jaraw żieda sproporzjonata fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom meta mqabbla mal-popolazzjoni medja u li, fejn ikun hemm bżonn, jiġu proposti miżuri ta' kumpens (modifiki tar-regoli, titjib tal-effikaċja enerġetika tad-djar eċċ) favur il-konsumaturi l-iktar vulnerabbli.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrifletti fuq it-twaqqif ta' Fond Ewropew ta' Solidarjetà fil-qasam tal-enerġija li jkollu l-għan li jkun strument trasversali għall-azzjonijiet Ewropej kollha dwar dan sabiex b'mod pertinenti niżguraw is-solidarjetà Ewropea f'dan il-qasam.

1.10

Il-KESE jixtieq jippromovi wkoll laqgħa annwali tas-soċjetà ċivili li tiddiskuti l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidjaretà fl-Ewropa, li fiha jsir skambju tal-inizjattivi lokali, nazzjonali u Ewropej u li tfassal rakkomandazzjonijiet prattiċi għal dawk responsabbli mill-politika fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u istituzzjonali u anki fl-assoċjazzjonijiet u l-industriji, b'koordinazzjoni mal-Osservatorju Ewropew tal-Faqar fl-Ewropa.

1.11

Billi l-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u tal-iżvilupp tas-solidarjetà fil-qasam huma fl-interess ġenerali Ewropew, il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi lill-Parlament u lill-Kunsill li tiġi dedikata Sena Ewropea għal din it-tema (Sena Ewropea ta' Solidarjetà fil-Qasam tal-Enerġija). Din isservi ta' sors ta' għarfien għall-pubbliku u għal dawk responsabbli mid-deċiżjonijiet dwar din il-kwistjoni Ewropea tant importanti.

1.12

Għalhekk il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea torganizza kampanja ta' informazzjoni Ewropea ibbażata fuq il-livell nazzjonali u lokali dwar il-faqar fil-qasam tal-enerġija u l-iżvilupp tas-solidarjetà fil-qasam għall-promozzjoni b'mod partikolari tal-edukazzjoni dwar l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija, iċ-ċittadin bħala konsum-attur tal-enerġija li juża, ir-rikonoxximent tar-responsabbiltà u l-involviment tal-industriji, eċċ.

2.   Emerġenza: neradikaw il-faqar fil-qasam tal-enerġija permezz ta' impenn Ewropew ta' sigurtà u soldarjetà fil-qasam tal-enerġija

2.1

L-enerġija hija ġid komuni essenzjali bi rwol indispensabbli fl-attivitjajiet kollha ta' kuljum u tippermetti ħajja ta' dinjità. Mingħajr l-enerġija jinqalgħu ħafna problemi kbar. Il-faqar fil-qasam tal-enerġija huwa sors ta' qerda kemm fuq livell fiżiku kif ukoll fuq livell soċjali. Fl-Ewropa iktar minn 50 miljun persuna huma milquta minn dan it-tip ta' faqar (Proġett Ewropew: Fuel Poverty and Energy Efficiency – 2009). Din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi tollerata u għandha tieqaf. Il-KESE jitlob azzjonijiet urġenti fil-livell Ewropew u impenn Ewropew lejn is-sigurtà u s-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija għall-promozzjoni ta' politika Ewropea ġenwina tal-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u l-iżvilupp tas-solidarjetà fil-qasam bil-għan li:

tħares iċ-ċittadini (Ewropej u oħra) mill-faqar fil-qasam tal-enerġija u tipprevedi l-esklużjoni soċjali tagħhom;

tieħu azzjoni sabiex tiggarantixxi aċċess bażiku affidabbli u regolari għall-enerġija bi prezzijiet raġonevoli u stabbli għall-persuni kollha fl-Ewropa; u fl-istess waqt

tiżgura tranżizzjoni lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju.

2.2

Dan l-impenn Ewropew jippermetti li fil-livell Ewropew tittieħed azzjoni komuni u kkoordinata sabiex jitnaqqas id-distakk fil-qasam tal-enerġija u ser jissejjes fuq ir-rikonoxximent tad-dritt tal-aċċess universali għall-enerġija (sabiex kulħadd ikun jista' jkollu kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi) li l-KESE jixtieq li jkun jagħmel parti mit-Trattat ta' Lisbona; b'dan il-mod il-KESE qed jimmira wkoll li jiżgura li l-politiki Ewropej kollha, b'mod partikolari l-politika tal-enerġija, ikunu jistgħu jinkludu fl-għanijiet tagħhom il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u l-promozzjoni tas-solidarjetà f'dan il-kuntest. Il-KESE jfakkar li bħala ġid komuni essenzjali, il-ġestjoni tal-enerġija għandha ssir b'tali mod li tirrispetta l-obbligi essenzjali ta' servizz pubbliku. Il-provvista tal-enerġija min-naħa tal-intrapriżi taqa' taħt is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, li għandhom rwol għall-koeżjoni soċjali u territorjali Ewropew li huwa rikonoxxut mit-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 14 tat-TFUE/Protokoll Nru 26). Il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni li jiżguraw eżistenza dinjituża (Artikolu 34), l-obbligu li jiġi garantit livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi (Artikolu 38), u d-dritt fundamentali għall-aċċess għas-servizzi pubbliċi (Artikolu 36).

2.3

B'hekk l-Unjoni tagħti spinta ġdida lill-prinċipju tas-solidarjetà, li tagħmel parti mill-pedament tal-kostruzzjoni tagħha, u ssaħħaħ is-sens tal-proġett Ewropew fost ċittadini li kulma jmur qed isiru iktar diżillużi u xettiċi. Il-KESE jfakkar barra minn hekk li 81 % miċ-ċittadini Ewropej mistħarrġa jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija (Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew, 2011).

2.4

Il-KESE jinsab kuntent bl-interess li wera l-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-kwistjonijiet tal-prezz tal-enerġija u l-impatt fuq id-djar b'mod partikolari tal-familji l-iktar vulnerabbli. Dawn il-kwistjonijiet għandhom prezz politiku kbir, pereżempju fil-Bulgarija fl-20 ta' Frar 2013 waqa' l-gvern wara li mill-protesti taċ-ċittadini kontra ż-żieda qawwija u eċċezzjonali fil-prezzijiet tal-elettriku (iktar minn 20 % bejn Diċembru 2012 u Jannar 2013) minħabba miżuri nazzjonali tal-ftuħ tas-suq, ħarġet fid-dieher l-iskuntetizza tal-poplu f'kuntest fejn il-paga medja hija inqas minn EUR 400 (17,3 % tad-dħul imur għall-ħlas tal-kontijiet tal-elettriku - Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika).

2.5

Il-KESE jfakkar li l-prezzijiet tal-enerġija qed ikomplu jiżdiedu kontinwament: bejn l-2011 u l-2012 il-prezz tal-elettriku żdied b'6,6 % fl-UE l-iktar f'Ċipru (+ 21 %), il-Greċja (+ 15 %), l-Italja (+ 11 %), l-Irlanda u l-Portugall (+ 10 %), il-Bulgarija, Spanja u l-Polonja (+ 9 %). Il-prezz tal-gass fid-djar żdied b'10,3 % fl-UE b'mod partikolari l-Latvja (+ 21 %), l-Estonja (+ 19 %) u l-Bulgarija (+ 18 %) (Eurostat, Mejju 2013).

3.   Ir-realtà tal-faqar fil-qasam tal-enerġija

3.1

Fl-Ewropa, il-problemi preċedenti ta' aċċess għall-enerġija ġew solvuti fil-biċċa l-kbira tagħhom però fil-livell globali 1,2 biljun persuna għad m'għandhomx aċċess għall-elettriku. 2,8 biljun persuna għadhom isaħħnu jew isajru bl-injam jew tipi oħra ta' bijomassa (Bank Dinji/IDA, Mejju 2013). Din il-problema ta' aċċess għas-servizzi moderni tal-enerġija tant hija kbira li n-NU ddikjarat l-2012 "Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd" u għadha kif ipproponiet li "L-enerġija sostenibbli u sigura" tkun waħda mit-12-il għan globali ta' żvilupp sostenibbli li, għall-ewwel darba, huma ffokati fuq il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw.

3.2

Fl-Ewropa l-faqar fil-qasam tal-enerġija jfisser numru dejjem jikber ta' nies (iktar minn 50 miljun persuna skont il-Proġett Ewropew European Fuel Poverty and Energy Efficiency – 2009) li qed isibuha diffiċli jħallsu l-kontijiet tal-enerġija jew għandhom aċċess limitat għall-enerġija minħabba: dħul baxx, djar li minnhom taħrab l-enerġija, tagħmir bi prestazzjoni baxxa (tisħin, tisjir, ilma sħun), spejjeż għolja tal-enerġija. Il-mobbiltà hija wkoll piż fuq il-baġit tad-djar li ħafna drabi jkunu 'l bogħod miċ-ċentri tal-bliet u fejn it-trasport jiddetermina l-impjieg. Dawk milquta huma: l-anzjani, il-familji b'ġenitur wieħed, il-qiegħda, dawk li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali, eċċ. Il-konsegwenzi huma diversi: ir-restrizzjonijiet fuq il-mobbiltà jillimitaw l-impjieg, in-nuqqas ta' sħana jaffettwa l-iġjene, is-saħħa (id-dilemma "heat or eat", mard respiratorju, eċċ.) u jwassal ħafna drabi għal rata miżjuda ta' mwiet, dejn żejjed u l-iżolazzjoni soċjali u ġeografika.

3.3

Il-faqar fil-qasam tal-enerġja huwa fattur li jdgħajjef u li jintrabat ma' fatturi oħrajn, li flimkien joħolqu sitwazzjoni kerha li hija piż kbir fuq individwu f'ċirkustanzi ta' faqar ġenerali. Ir-riskju tal-faqar qed jiżdied (Eurostat, Diċembru 2012): 119, 6 miljun persuna fl-UE 27 kienu fir-riskju tal-esklużjoni soċjali fl-2011 minħabba r-riskju tal-faqar, nuqqas serju fil-livell materjali jew għax jgħixu fi djar fejn l-ammont ta' nies li jaħdmu huwa baxx ħafna. Il-KESE jfakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas b'minn tal-inqas 20 miljun in-numru ta' nies milquta mill-faqar u l-esklużjoni soċjali.

3.4

Il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u l-iżvilupp tas-solidarjetà fil-qasam qed isiru aktar minn qatt qabel prijorità politika Ewropea prinċipali u li tolqot il-politiki Ewropej l-oħra kollha mill-qasam soċjali għas-saħħa pubblika, il-qasam ambjentali, ekonomiku u politiku.

4.   Id-disponibbiltà ta' indikaturi u statistika Ewropea tal-faqar fil-qasam tal-enerġija

4.1

Il-faqar/il-prekarjetà fil-qasam tal-enerġija: il-prekarjetà tfisser sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà temporanja kbira. Il-faqar fil-qasam tal-enerġija jfisser kundizzjoni soċjali li fuqha għandhom impatt fatturi esterni (il-prezz tal-enerġija, il-prestazzjoni tad-djar, eċċ.) u fatturi interni (tixjiħ, dħul, eċċ.). Il-KESE ser juża t-terminoloġija tal-faqar fil-qasam tal-enerġija biex jirreferi għaż-żewġ aspetti.

4.2

Franza, is-Slovakkja, ir-Renju Unit u l-Irlanda biss għandhom definizzjoni.

4.3

Id-definizzjoni tal-faqar fil-qasam tal-enerġija fir-Renju Unit hija oġġettiva – "fuel poverty": sitwazzjoni fejn dar trid tonfoq iktar minn 10 % tad-dħul tagħhha sabiex tikseb livell sodisfaċenti ta' sħana fil-post (21 grad fil-kmamar prinċipali u 18-il grad fil-kmamar l-oħra skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa). Hija tikkunsidra tliet elementi: id-dħul fid-dar, il-prezz tal-enerġija u l-konsum tal-enerġija. Din id-definizjoni ma tqisx bżonnijiet domestiċi oħra tal-enerġija u attwalment qed tiġi riveduta mill-gvern.

4.4

Fi Franza l-Att "Grenelle II" jiddefinixxi l-prekarjetà fil-qasam tal-enerġija bħala stiwazzjoni li fiha persuna tesperjenza diffikultajiet partikolari f'darha biex tikseb l-ammont ta' enerġija li għandha bżonn sabiex tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tagħha minħabba nuqqas ta' riżorsi jew ta' kundizzjoni tal-għajxien (Artikolu 11(4)).

4.5

Minkejja n-nuqqas ta' definizzjoni, ċerti Stati għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi. Il-Belġju stabbilixxa l-istatut ta' "klijent imħares" biex dawk kollha li jibbenefikaw mill-għajnuna soċjali jkunu jistgħu jgawdu minn tariffi soċjali u servizzi mingħajr ħlas (arloġġi tad-dawl b'konsum imħallas minn qabel, garanzija tal-provvista). L-Italja u Spanja għandhom mekkaniżmi ta' "bonus elettrico" jew "bono social". Fil-Ġermanja, il-kumpaniji lokali u reġjonali tal-enerġija huma responsabbli mit-tariffi soċjali lokali stabbiliti mil-Länder. Fl-Isvezja s-sistema tal-ħarsien soċjali universali tieħu ħsieb il-kontijiet li ma jkunux tħallsu. Iktar minn nofs l-Istati Membri jipprevedu ħarsien kontra l-qtugħ tal-provvista tal-enerġija abbażi ta' leġislazzjonijiet jew kodiċi ta' kondotta tad-distributuri tal-enerġija (rapport ERGEG 2009).

4.6

L-Unjoni Ewropea m'għandha la definizzjoni ta' indikatur tal-faqar fil-qasam tal-enerġija u lanqas politika Ewropea speċifika għal din il-problema li hija indirizzata b'mod frammentat.

4.7

Permezz tal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, strument speċifiku tal-Istrateġija 2020, il-Kummissjoni Ewropea tiffoka fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija "li joħloq ir-riskju li unità domestika ma tkunx tista' ssaħħan jew tkessaħ id-dar u ma jkollhiex ilma sħun, dawl u neċċessitajiet domestiċi essenzjali oħrajn" li "huwa manifestazzjoni oħra ta' tiċħid serju".

4.8

Id-direttivi dwar is-suq intern tal-enerġija (Lulju 2009) jirrikonoxxu l-faqar fil-qasam tal-enerġija iżda mingħajr definizzjoni jew obbligu Ewropew u jistiednu lil kull Stat Membru biex jiżgura "li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli" u "jiddefinixxi l-kunċett ta' klijenti vulnerabbli li jista' jirreferi għall-faqar enerġetiku u, fost l-oħrajn, għall-projbizzjoni tal-iskonnettar ta' dawn il-klijenti fi żminijiet kritiċi". Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti" (15 ta' Novembru 2012), il-Kummissjoni qalet li se tgħin "lill-Istati Membri jiddefinixxu x'jiġifieri l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi u mnejn tinqala', billi tkun ta' gwida u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prassi."

4.9

Il-Parlament Ewropew jiddefinixxi l-konsumatur vulnerabbli biss billi jipproponi li mmorru lil hinn mit-tifsira klassika (vulnerabbiltà endoġenika) u ninkludu "il-konsumaturi f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà" għax "jitqiegħdu fi stat temporanju ta’ nuqqas ta’ setgħa li, min-naħa waħda, jirriżulta minn differenza bejn l-istat individwali u l-karatteristiċi tagħhom, u min-naħa l-oħra l-ambjent estern tagħhom…billi l-konsumaturi kollha, f’xi punt f’ħajjithom, jistgħu jsiru vulnerabbli minħabba fatturi esterni u interazzjonijiet tagħhom mas-suq … għalhekk ikunu jeħtieġu ħarsien partikolari" (Riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2012). Il-Parlament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw "strateġija politika u leġiżlattiva wiesgħa u koerenti kontra l-vulnerabbiltà, li tkun tqis id-diversità u l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet kollha involuti" b'mod partikolari fis-settur tal-enerġija (Riżoluzzjoni tat-22 ta' Mejju 2012); huwa jitlob ukoll miżuri speċifiċi kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija (Riżoluzzjoni tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050). Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għal politika Ewropea tal-konsumaturi, il-Parlament Ewropew jitlob li l-Unjoni u l-Istati Membri jipprovdu "garanziji adegwati għall-protezzjoni ta' dawk il-konsumaturi" vulnerabbli b'mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fir-Riżoluzzjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Istati Membri jiddefinixxu l-prekarjetà fil-qasam tal-enerġija "fuq parametri komuni iżda aġġustati għal kull Stat Membru biex jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi".

4.10

Il-KESE jqis li hemm bżonn indispensabbli ta' indiċi u indikaturi komuni Ewropej dwar il-faqar fil-qasam tal-enerġija li jintegraw id-dimensjoni tal-vulnerabbiltà sabiex jiġu identifikati u analizzati aħjar il-kawżi u sabiex mhux sempliċiment nidentifikaw is-sintomi, u tkun tista' tinħoloq strateġija Ewropea li tiffaċċja l-problema aħjar. Il-KESE jissuġġerixxi li d-definizzjoni tiegħu (TEN/420) "meta wieħed isibha diffiċli jew impossibbli biex jiżgura tisħin adegwat fid-dar u li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali oħra tal-enerġija bi prezz raġonevoli" sservi ta' bażi li tista' tkompli tittejjeb (b'kunsiderazzjoni tad-dritt tal-aċċess universali għall-ġid komuni u essenzjali li hija l-enerġija) mill-Osservatorju Ewropew tal-Faqar li jixtieq joħloq; dan jista' jifformula indiċi u indikaturi komuni Ewropej li jservu bħala parametri biex l-Istati Membri jiddefinixxu l-faqar fil-qasam tal-enerġija b'mod li jqis l-ispeċifitajiet nazzjonali. Sabiex jiġu armonizzati aħjar l-istatistiċi eżistenti, il-EUROSTAT u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika għandhom jadottaw metodoloġiji omoġeni sabiex jikkwantifikaw il-problema fil-livell nazzjonali u Ewropew.

5.   Il-promozzjoni ta' Osservatorju Ewropew tal-Faqar b'enfasi prinċipali fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija

5.1

Il-KESE jissuġġerixxi li jinħoloq Osservatorju Ewropew tal-Faqar li jiffoka prinċipalment fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija u li jintegra l-partijiet interessati kollha: l-osservatorji nazzjonali, il-medjaturi, ir-regolaturi, il-provvedituri tal-enerġija, l-assoċjazzjonijiet differenti (tas-saħħa, il-bini, l-enerġija, il-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, l-awtoritajiet lokali, eċċ.), l-imsieħba soċjali, eċċ. Huwa ser jipprovdi evalwazzjoni tal-impatt tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija fuq iċ-ċittadini vulnerabbli, jipproponi indikaturi tal-faqar fil-qasam tal-enerġija, rakkomandazzjonijiet, metodoloġiji u possibbiltajiet li jistgħu jiġu analizzati fil-livell Ewropew abbażi ta' prattiki aħjar identifikati fil-livell lokali u nazzjonali. L-għan tiegħu għandu jkun li jikkoopera mal-Forum ta' Londra. Il-KESE jixtieq li l-Forum ta' Londra jkun jista' jinkludi xi membri tal-Kumitat u jaħdem mal-Kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali jew oħrajn simili fil-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija.

6.   Enfasi mill-ġdid tal-politiki u l-inizjattivi Ewropej fuq l-azzjoni kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija u l-ħolqien ta' konsum-atturi

6.1

Il-ftuħ tas-swieq tal-enerġija ma naqqasx il-prezzijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini. 60 % raw żieda fil-prezzijiet tal-provvedituri tal-enerġija tagħhom u minn 3 sa 4 % raw tnaqqis. 7 % biddlu l-provveditur tal-gass u 8 % tal-elettriku. L-enerġija hija s-settur li jonfqu l-iktar flus fih il-konsumaturi (5,7 % tal-baġit) l-iktar għall-elettriku (2,1 %) (it-tieni tabella ta' valutazzjoni annwali tas-swieq tal-konsum 2009). Dawn il-perċentwali żdiedu matul dawn l-aħħar snin.

6.2

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 jinsabu fid-direzzjoni t-tajba: orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika tal-enerġija fuq il-konsumaturi sabiex ikollhom provvista sigura u sostenibbli bi prezzijiet u spejjeż affordabbli u kompetittivi; it-tisħiħ tar-rwol u tad-drittijiet tal-konsumaturi u ħarsien aħjar tal-konsumaturi vulnerabbli; it-traspożizzjoni minnufih tat-tielet pakkett tal-enerġija. Minn issa sal-2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta analiżi dwar l-istruttura tal-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija li fiha tagħmel enfasi fuq l-impatt fuq id-djar. L-aktar kwistjoni importanti hija li tiġi pprevenuta kwalunkwe żieda fl-ispejjeż, liema żieda tista' tiġi evitata permezz ta' politika Ewropea armonizzata u effiċjenti tal-enerġija (ara l-Opinjoni TEN/508 "L-effetti ekonomiċi tas-sistemi tal-elettriku li jirriżultaw minn provvista miżjuda u intermittenti minn sorsi rinnovabbli" – CESE 2599/2012) (2).

6.3

Il-KESE jirrakkomanda li qabel ma jiġu adottati l-miżuri prinċipali tal-politika tal-enerġija tal-UE u l-Istati Membri, issir analiżi tad-distribuzzjoni tal-impatt ekonomiku tagħhom fuq il-kategoriji differenti ta' konsumaturi (skont pereżempju id-dħul, il-kompożizzjoni tal-unitajiet domestiċi jew it-tip ta' sistema ta' tisħin). L-għan ikun li jiġu aġġornati l-kategoriji ta' konsumaturi li jistgħu jaraw żieda sproporzjonata fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom meta mqabbla mal-popolazzjoni medja u li, fejn ikun hemm bżonn, jiġu proposti miżuri ta' kumpens (modifiki tar-regoli, titjib tal-effikaċja enerġetika tad-djar eċċ) favur il-konsumaturi l-iktar vulnerabbli.

6.4

Il-KESE jerġa' jisħaq fuq il-bżonn tat-traspożizzjoni sħiħa tad-direttivi msemmijin hawn fuq u li jiġu garantiti servizz universali, ir-rispett tal-obbligi tas-servizz pubbliku, il-ħarsien tal-persuni vulnerabbli u l-garanzija ta' prezzijiet raġonevoli komparabbi u trasparenti. Il-KESE jixtieq li fir-rapport futur tal-aħħar tal-2013, il-Kummissjoni Ewropea tinkludi valutazzjoni u analiżi tal-faqar fil-qasam tal-enerġija fl-Unjoni, tipproponi strateġija Ewropea tal-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidarjetà fil-qasam kif ukoll il-mezzi finanzjarji biex din tkun operattiva.

6.5

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel din it-tema prijorità trasversali tal-politiki Ewropej kollha u li tqisha iktar fl-inizjattivi futuri tagħha (pereżempju l-linji gwida tas-suq intern, tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija 2012, tad-drittijiet tal-konsumaturi, eċċ.).

6.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-politika tas-solidarjetà fil-qasam tal-enerġija u l-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija jsiru parti integrali tal-politika ta' tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE lejn soċjetà li ma tużax il-karbonju għall-enerġija. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura bis-sħiħ ir-rispett tal-Istati Membri lejn ir-regolamenti Ewropej li jistgħu jikkontribwixxu fit-tnaqqis tal-faqar fil-qasam tal-enerġija. Il-KESE jixtieq li t-Trattat jinkludi d-dritt tal-aċċess universali għall-enerġija (li għandu jiġi kkunsidrat u ġestit bħala ġid komuni essenzjali) u li l-politiki Ewropej, b'mod partikolari tal-enerġija, ikunu jistgħu jinkludu fl-għanijiet tagħhom il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidarjetà fil-qasam. Il-KESE jirrakkomanda li s-semestru Ewropew jiġbor fil-ħidmiet tiegħu l-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidarjetà fil-qasam sabiex it-tema titqies fil-programmi nazzjonali ta' riforma tal-Istati Membri.

6.7

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li fil-livell Ewropew jingħata prijorità kwalunkwe mekkaniżmu li jippermetti li l-konsumatur vulnerabbli jsir attur tal-kwistjonijiet tal-enerġija li jolqtuh billi jikkonsma iktar u aħjar (f'livell ta' servizzi kontinwi tal-enerġija) sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu u b'mod li jiffavorixxi l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, fejn hija koerenti mil-lat ekonomiku u tekniku. L-informazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni fid-djar u l-imġiba adegwata (li t-tagħmir jitpoġġa fuq standby, li jinxtara tagħmir effiċjenti fejn tidħol enerġija, rinnovazzjoni adegwata, eċċ). Il-KESE jixtieq li l-Unjoni tappoġġja b'mod partikolari l-ħolqien tal-Fond Ewropew ta' Solidarjetà fil-qasam tal-enerġija u kull proġett transnazzjonali f'din id-direzzjoni, tħeġġeġ kull skambju tal-għarfien tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta' netwerks transnazzjonali, u tiġġeneralizza l-produzzjoni, it-tixrid tal-informazzjonai, it-taħriġ fil-qasam u l-prattiki tajba li jirriżultaw minn proġetti transnazzjonali finanzjati mill-UE.

6.8

Il-KESE jitlob li l-programmi Ewropej tar-riċerka jiffavorixxu strumenti innovattivi li jiffukaw fuq l-aħjar użu mill-konsumaturi kollha, b'mod partikolari dawk l-iktar vulnerabbli. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-arloġġi intelliġenti, biex ikunu effettivi u utli b'mod sħiħ għall-konsumaturi, jipprovdu pereżempju informazzjoni f'ħin reali li tista' tinqara u trasparenti dwar il-konsum tal-enerġija mingħajr spejjeż addizzjonali. B'dan il-mod ikunu strument utli ta' prevenzjoni li jgħinu lill-konsumaturi jsiru iktar konxji tal-livell ta' konsum ta' enerġija tagħhom u jaġixxu fuqu u b'hekk ikunu wkoll konsum-atturi tal-kwistjonijiet tal-enerġija li jolqtuhom.

6.9

Il-KESE jitlob il-ħolqien ta' servizzi lokali uniċi tas-solidarjetà tal-enerġija sabiex jiġu żviluppati sinerġiji u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha inklużi l-operaturi tal-enerġija għall-iżgurar ta' koordinazzjoni aħjar, u b'hekk għall-prevenzjoni u l-indirizzar aħjar tal-problemi, għall-għoti ta' pariri, l-orjentazzjoni u l-għajnuna aħjar tal-pubbliku, b'mod partikolari l-pubbliku vulnerabbli. Il-KESE jitlob li jitħarrġu l-ħaddiema ta' dan is-servizz (iżda anki tas-servizzi amministrattivi, bankarji, tal-operaturi industrijali, eċċ.) sabiex dawn isiru iktar konxji tal-problemi tal-pubbliku vulnerabbli u biex ikunu jistgħu jmexxu aħjar il-kwistjonijiet li jikkonċernawh u jingħataw l-għajnuna biex biex jidentifikaw aħjar is-sitwazzjonijiet ta' riskju. Is-servizz għandu jkollu approċċ globali u integrat, ta' prevenzjoni u ta' kura, ta' interventi mill-atturi assoċjati, awtoritajiet lokali, intrapriżi, eċċ. Huwa għandu jippermetti li jiġu evitati l-applikazzjonijiet sekondarji jew it-tikkettar soċjali sabiex iċ-ċittadini kollha jsiru konsum-atturi ta' kulma huwa relatat mal-enerġija f'ħajjithom.

6.10

Il-KESE jitlob li jissaħħu u jitferrxu fuq livell ġenerali l-mekkaniżmi (b'mod partikolari dawk li jinvolvu mill-qrib lill-provvedituri tal-enerġija) bħal dawk li jiżguraw il-provvista tal-enerġija fid-djar vulnerabbli matul perjodi staġjonali sensittivi (ix-xitwa), li l-provvedituri ma jaqtgħux l-enerġija meta jkun hemm diffikultajiet ta' ħlas, il-prevenzjoni ta' nuqqas ta' ħlas, eċċ. Il-KESE jirrakkomananda għalhekk l-involviment tal-operaturi industrijali tal-enerġija u oħrajn fl-istrateġiji ta' azzjoni kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija (kemm fil-prevenzjoni kif ukoll fis-soluzzjoni tal-problemi) u l-iżvilupp tas-solidarjetà b'mod li jmur lil hinn mill-kodiċi ta' kondotta.

6.11

Il-KESE jitlob li tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni tal-prattiki tal-provvedituri tal-enerġija sabiex il-konsumaturi bi dħul baxx ma jgħaddux minn "penali doppji" (poverty premium), jiġifieri kost ta' unità iktar għali għall-istess servizz. Is-sistemi ta' ħlas minn qabel jistgħu jitfasslu b'tali mod li ma jkunx hemm ir-riskju li jiġu penalizzati l-utenti l-iktar vulnerabbli.

6.12

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropej tipprevedi Sena Ewropea tas-Solidarjetà fil-Qasam tal-Enerġija li tippermetti li ssir kampanja Ewropea ta' informazzjoni (fil-livell nazzjonali u lokali) u li jsiru proġetti approvati għas-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati kolllha dwar l-importanza li jiġi eradikat il-faqar fil-qasam tal-enerġija, għall-promozzjoni taċ-ċittadin bħala konsum-attur ta' kulma jirrigwarda l-enerġija f'ħajtu u għat-tisħiħ tas-solidarjetà fil-qasam.

7.   Fond Ewropew ta' Solidarjetà fil-Qasam tal-Enerġija

7.1

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tistudja l-ħolqien ta' Fond Ewropew ta' Solidarjetà fil-Qasam tal-Enerġija sabiex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet proposti mill-KESE b'mod partikolari: l-informazzjoni/it-taħriġ taċ-ċittadini, l-implimentazzjoni tan-netwerk Ewropew tal-proġetti lokali, l-appoġġ tal-iskambji, it-trasferiment u l-ġeneralizzazzjoni fil-livell Ewropew tal-prattiki tajba żviluppati mill-proġetti transnazzjonali finanzjati mill-UE jew żviluppati fil-livell lokali u nazzjonali. Hekk ukoll pereżempju l-mekkaniżmi implimentati mill-Istati jew l-awtoritajiet lokali ta' appoġġ finanzjarju ta' ħlas tal-fatturi (tariffi soċjali, ċekkijiet tal-enerġija, eċċ.), fil-perjodu tax-xitwa, l-implimentazzjoni ta' servizzi uniċi, it-taħriġ tal-kunsilliera dwar l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija (pereżempju: il-proġett Ewropew Achieve), ir-rinnovazzjoni ta' żoni speċifiċi, l-iżvilupp tal-għajnuna jew tal-assistenza teknika fil-ħidma għall-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija (eż. il-proġett Ewropew CEB-ELENA "European Local Energy Assistance Facility") u fil-mikroproduzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll l-istrutturi finanzjarji adattati għad-djar vulnerabbli (eż: il-proġett Ewropew FinSH – Financial and Support Instruments for Fuel Poverty in Social Housing).

8.   L-orjentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija għall-bini bħala azzjoni kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija

8.1

Il-KESE jfakkar li l-Unjoni fl-2007 stabbilixxiet l-għanijiet 3 × 20 % għall-2020 inkluż it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija b'20 %. Id-Direttiva dwar l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija ta' Ottubru 2012 tipprevedi strateġija fuq perjodu twil (2050) għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti fir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni pubblika u privata u tal-bini residenzjali u kummerċjali. Minn issa sat-30 ta' April 2014, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjani nazzjonali ta' azzjoni tagħhom bħala bażi għal din l-istrateġija. Il-KESE jfakkar f'kemm l-implimentazzjoni tal-miżuri fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija hija importanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass karboniku, sabiex jinħolqu l-impjiegi iżda anki biex tittieħed azzjoni effikaċi kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija.

8.2

Il-faqar fil-qasam tal-enerġija jirriżulta fil-fatt minn djar li mhumiex iżolati tajjeb, li ħafna drabi jinkrew għal prezzijiet eċċessivi lil nies vulnerabbli. Residenza iżolata tajjeb tnaqqas il-konsum, u għalhekk il-kont (flimkien mal-imġiba adegwata fl-użu tal-enerġija). Il-familji bi dħul modest, li jikru jew sidien, m'għandhomx il-mezzi biex jagħmlu x-xogħol ta' rinnovazzjoni termali u jibdlu l-istallazzjonijiet tat-tisħin minħabba nuqqas ta' flus imfaddla jew diffikultajiet biex jaċċessaw self bankarju.

8.3

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu implimentanti mekkaniżmi li jippermettu minn naħa li jħeġġu bil-qawwi lis-sidien tal-kera (pereżempju li l-kera tkun ibbażata fuq il-livell ta' prestazzjoni termali, eċċ.) li jagħmu xogħol ta' rinnovazzjoni termali, fl-istess waqt li jgħinuhom b'mod parallel matul dan ix-xogħol, u min-naħa l-oħra li titneħħa bil-mod mis-suq tal-kera fl-Ewropa l-akkomodazzjoni li għandha prestazzjoni li taqa' taħt l-istandard tal-iżolament termali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati jintegraw l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija fid-definizzjonijiet u l-kriterji ta' privazzjoni, id-diċenza u d-dinjità relatati mal-kiri tal-akkomodazzjoni.

8.4

Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tirrifletti fuq il-metodi u l-istrumenti ta' finanzjament innovattivi għall-appoġġ tal-isforz tal-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija tal-Istati għall-iktar djar modesti billi jintegraw il-limiti finanzjarji tagħhom.

8.5

It-titjib termali fl-akkomodazzjoni tal-familji vulnerabbli għandu jsir prijorità fl-azzjonijiet u l-programmi Ewropej kollha. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pjani nazzjonali tal-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija jagħtu prijorità lill-investimenti fl-akkomodazzjoni tal-familji l-iktar vulnerabbli.

8.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-Fondi Strutturali jqisu iktar il-ġlieda kontra l-faqar fil-qasam tal-enerġija u s-solidarjetà fil-qasam fil-programmazzjoni 2014-2020 u li l-ammont allokat għall-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija u għall-enerġija rinnovabbli jkun jirrifletti aħjar l-isfidi inkwistjoni.

8.7

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li tiġi appoġġjata l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli billi dan jista' jsolvi l-aċċess għall-enerġija b'mod partikolari għal dawk l-iktar vulnerabbli.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8

(2)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1-8


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-492 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri”

COM(2013) 301 final — 2013/0156 (COD)

2013/C 341/06

Relatur Ġenerali: is-Sur PÁLENÍK

Nhar is-6 u l-10 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill u l-Parlament rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom u r-regoli tad-diżimpenn għal ċerti Stati Membri

COM(2013) 301 final — 2013/0156 (COD).

Nhar id-9 ta' Lulju 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru) li jaħtar lis-Sur PÁLENÍK bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 sabiex il-pagamenti għall-pajjiżi milquta mill-kriżi u li qed jirċievu l-għajnuna finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) jew mill-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Pagamenti (BOP) jiżdiedu bl-applikazzjoni ta' 10 punti perċentwali supplimentari tar-rati ta' kofinanzjament applikabbli għall-assi prijoritarju matul il-perjodu meta ser ikunu qed jibbenefikaw minn dawn il-mekkaniżmi ta' appoġġ, iżda mingħajr ma tiġi miżjuda l-allokazzjoni totali tagħhom taħt il-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, xorta waħda tinżamm l-effikaċja tal-kofinanzjament.

1.2

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 sabiex ir-Rumanija u s-Slovakkja jkunu jistgħu jressqu l-applikazzjonijiet għal rimborż sa tmiem l-2014 minflok sa tmiem l-2013 (għall-impenji tal-2011) u sa tmiem il-programm minflok sa tmiem l-2014 (għall-impenji tal-2012), iżda mingħajr ma tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja globali fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. B'hekk jonqos ir-riskju tad-diżimpenn awtomatiku tal-impenji tal-2011 u l-2012.

1.3

Il-KtR jaqbel ma' din il-proposta, b'konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, bil-kundizzjoni li jibqgħu jiġu żgurati l-koerenza u l-effikaċja fl-użu tal-baġits.

2.   Raġuni

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni tipprova tnaqqas il-kontribuzzjonijiet għall-proġetti kofinanzjati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE li qed jintalbu bħalissa minn seba' Stati Membri li jirċievu l-għajnuna mill-EFSM jew mill-BOP. B'dan il-mod l-Istati Membri ma jkollhomx jirrikorru biss għar-riżorsi proprji tagħhom biex isibu r-riżorsi meħtieġa, ħaġa li fi żmien meta l-baġits nazzjonali jinsabu taħt pressjoni qawwija tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli biex l-ekonomiji milquta mill-kriżi jerġgħu jaqbdu t-triq tat-tkabbir. Il-kofinanzjament iżid l-effikaċja tal-għajnuna li tingħata. Jekk jonqos il-kofinanzjament, ikun hemm ir-riskju li l-għajnuna tkun inqas effikaċi. Dan ir-riskju għandu jinżamm baxx kemm jista' jkun permezz tar-riżorsi disponibbli kollha. Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni, li hi konformi mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu (1).

2.2

Bl-estensjoni tal-possibbiltà li jressqu l-applikazzjonijiet għal rimborż sa tmiem l-2014, is-Slovakkja u r-Rumanija ser ikollhom flessibbiltà akbar biex iwettqu aħjar il-proġetti kofinanzjati fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-estensjoni tal-iskadenza għad-diżimpenn awtomatiku tal-impenji hi wkoll adegwata għaliex hi limitata għal dawk l-Istati Membri li l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom kienu ser ikunu limitati għall-perjodu 2014-2020 abbażi tal-ftehim li laħaq il-Kunsill Ewropew. Il-perjodu għad-diżimpenn tal-impenji ġie estiż fuq l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew li, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Frar 2013, stieden lill-Kummissjoni biex tesplora soluzzjonijiet prattiċi biex jitnaqqas ir-riskju ta' diżimpenn awtomatiku tal-fondi mill-pakkett nazzjonali tal-2007-2013 għar-Rumanija u s-Slovakkja, inkluża l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.3

Il-KESE jemmen ukoll li huwa essenzjali li jiġu promossi l-benesseri u l-kompetittività fl-Istati Membri l-aktar milquta mill-kriżi, u għalhekk jappoġġja l-proposta msemmija hawn fuq.

2.4

Il-KESE jaqbel li l-allokazzjoni finanzjarja globali mill-Fondi għall-pajjiżi u l-proġetti kkonċernati ma tinbidilx għaż-żmien inkwistjoni.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 81; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 83; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 84.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali”

COM(2013) 108 final

2013/C 341/07

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Nhar it-28 ta' Frar 2013 il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-politika industrijali spazjali tal-UE - ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali

COM(2013) 108 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' bi pjaċir politika industrijali tal-UE fil-qasam tal-ispazju (1). Huwa jaqbel ukoll mal-baġit previst ta' EUR 11-il biljun allokat għall-programm Galileo, Copernicus u għar-R&Ż fl-Orizzont 2020 għall-2014-2020, minbarra l-baġit ta' EUR 4 biljun li diġà jingħata kull sena għall-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE). Dawn id-deċiżjonijiet jikkonformaw mal-fehmiet li jħaddan il-KESE (2).

1.2

Il-politika spazjali tal-UE, appoġġjata permezz ta' impenn politiku mill-Ewropa kollha, għandha tiżgura li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju matul il-katina kollha, jiġifieri mill-fażi tat-tfassil sal-fażi tal-iżvilupp, it-tnedija u l-estrazzjoni. Attivitajiet b'riskju għoli u li jsiru fuq żmien twil jeħtieġu l-possibbiltà tal-previżjoni, ċertezza u impenn kontinwu.

1.3

L-UE għandha bżonn il-kapaċitajiet meħtieġa. Suq intern għall-ispazju jitlob li jkun hemm kunċett definit b'mod ċar ta' xi jfisser li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs fl-Ewropa, kemm għal raġunijiet interni kif ukoll esterni.

1.4

Hemm bżonn ta' politika industrijali proattiva bi tweġiba għas-swieq istituzzjonali l-kbar madwar id-dinja li qed iħallu impatt strateġiku u teknoloġiku dejjem ikbar. Il-kompetittività tal-industrija Ewropea trid tittejjeb. Iżda għad iridu jingħelbu ostakli interni sostanzjali b'mod progressiv.

1.5

Il-politika industrijali tal-UE għandha tgħaqqad flimkien diversi strateġiji ta' Stati Membri differenti taħt kappa waħda u tintegra wkoll il-preferenzi nazzjonali f'qafas wieħed.

1.6

Il-partijiet kollha jridu jaqdfu fl-istess direzzjoni. L-ASE għandha post speċjali. Il-prestazzjonijiet tagħha huma tajbin ħafna u ma jħallu l-ebda dubju. Fl-istruttura l-ġdida, apparti r-rwol tradizzjonali tagħha, l-ASE ser tiffaċilita l-proġetti tal-ispazju taħt ir-regoli tal-UE. Ser jiġu stabbiliti metodi u relazzjonijiet ġodda. Dawn jeħtieġu koordinazzjoni u adattar żviluppati ħafna bejn l-atturi kollha, jiġifieri s-servizzi tal-Kummissjoni, l-ASE u l-Istati Membri.

1.7

Hemm bżonn isiru arranġamenti formali għall-konsultazzjoni mal-industrija, speċjalment fir-rigward tal-SMEs. Parti adegwata mill-baġit tal-programm Copernicus għandha tiġi allokata għas-servizzi u l-applikazzjonijiet il-ġodda.

1.8

Is-settur spazjali jitlob forza tax-xogħol kwalifikata sew, fuq bażi ta' kuntratti adatti. Hemm bżonn ta' attenzjoni kontinwa għall-ħiliet adegwati, li jiġu żgurati permezz ta' edukazzjoni u taħriġ aġġornati, biex b'hekk tiġi faċilitata l-mobbiltà.

1.9

Il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà strateġika u tad-difiża huma l-ixpruni tal-politika spazjali fil-pajjiżi kollha. L-azzjonijiet u l-politiki ġodda tal-UE dwar l-ispazju huma bbażati fuq l-Artikolu 173, u b'mod partikolari l-Artikolu 189 tat-TFUE. Dawn għandhom jiġu integrati fi ftehim aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri dwar is-sigurtà u d-difiża, u, għaldaqstant, f'perspettiva usa' tal-politika barranija tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-esperjenzi fil-politika spazjali, f'xi oqsma definiti sew, jistgħu jkunu eżemplari għad-difiża Ewropea. Dawn għandhom jitqiesu fid-dibattitu li ġej dwar id-difiża Ewropea.

1.10

Il-politika spazjali industrijali tal-UE tista' tassew tagħti spinta lil bażi industrijali aktar kompetittiva, solida, effiċjenti u bbilanċjata fl-Ewropa, billi tappoġġja s-servizzi tal-gvern kif ukoll għan-negozji u ċ-ċittadini. Dan is-settur għadu fraġli u l-kriżi żżid l-inċertezzi. Issa wasal għall-implimentazzjoni!

1.11

F'dan il-kuntest, il-KESE japprova għalkollox il-ħames għanijiet, definiti mill-Kummissjoni: qafas regolatorju stabbli u koerenti, bażi industrijali b'saħħitha, li tinkludi l-SMEs, il-kompetittività u l-kosteffiċjenza, is-swieq fl-applikazzjonijiet u s-servizzi, u l-awtonomija teknoloġika u l-aċċess indipendenti għall-ispazju (3).

1.12

Il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja għandha tiġi kkonsolidata u tissaħħaħ billi tittejjeb il-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija Ewropea, billi nżommu l-pass mal-ambizzjonijiet ta' pajjiżi oħra involuti fl-ispazju u mal-aqwa teknoloġiji madwar id-dinja, nippromovu l-kosteffiċjenza tul il-ktajjen ta' valur, u niżviluppaw swieq fl-applikazzjonijiet u s-servizzi spazjali.

2.   Kuntest storiku, l-impenn tal-KESE

2.1

Minħabba kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà u difiża, il-politika spazjali żviluppat barra l-qafas tat-Trattat tal-UE. L-Istati Membri kellhom l-istrateġiji spazjali tagħhom stess. L-interessi komuni Ewropej sa ċertu punt kienu jikkonċentraw fuq ir-R&Ż u l-proġetti industrijali tal-ASE.

2.2

Fl-2003 inbdiet fażi ġdida bil-Ftehim Qafas bejn l-ASE u l-UE. L-FP7 ġie involut fil-proġetti ta' riċerka u politika industrijali tal-UE bbażata fuq is-setturi ma kinitx 'il bogħod. L-investimenti minn isfel għal fuq u minn fuq għal isfel intensifikaw, il-kompetizzjoni żdiedet u n-negozji privati speċjalizzati żviluppaw applikazzjonijiet u servizzi ġodda.

2.3

Il-KESE appoġġja bil-qawwi l-istrateġija tal-UE li tgħaqqad il-kunċett tal-ASE ma' involviment aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll proposti u deċiżjonijiet konkreti għal dan il-għan (4).

2.4

F'Opinjonijiet sussegwenti, il-KESE saħaq fuq l-importanza tal-politiki spazjali tal-UE għas-servizzi pubbliċi, in-negozji u, b'mod speċjali, iċ-ċittadini. Huwa appoġġja l-passi 'l quddiem li saru f'oqsma speċifiċi bħall-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES), il-komponent tal-ispazju tal-GMES, u Strateġija Spazjali li jgawdu minnha ċ-ċittadini (5).

2.5

Fl-2012, il-KESE rrakkomanda li l-finanzjament tal-GMES jitpoġġa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 (6). Fit-8 ta' Frar 2013 il-Kunsill iddeċieda li jalloka EUR 3,78 miljun għall-GMES – minn issa 'l quddiem magħruf bħala Copernicus – EUR 6,3 biljun għall-Galileo, u EUR 1,7 biljun għar-R&Ż fi ħdan l-Orizzont 2020. Id-deċiżjoni għad trid tiġi approvata mill-PE.

2.6

Il-Komunikazzjoni riċenti tal-KE dwar il-politika industrijali fis-settur spazjali hija pass 'il quddiem peress li l-Ewropa qed titlef ir-ritmu meta fil-qasam tal-ispazju meta mqabbla mal-maġġoranza tal-pajjiżi involuti fl-ispazju, jekk mhux kollha (7).

3.   Żviluppi attwali

3.1

Iċ-ċirkostanzi nbidlu drastikament. L-investimenti dinjija minn pajjiżi involuti fl-ispazju ġodda qed jiżdiedu b'pass mgħaġġel ħafna. L-Istati Uniti għadhom l-aktar pajjiż b'saħħtu. Id-dħul tal-Amerika huwa madwar għaxar darbiet aktar minn dak tal-Ewropa. Iċ-Ċina u l-Indja qed isiru kompetituri b'saħħithom. Dan l-aħħar ir-Russja ħabbret li ser iżżid il-baġit tagħha għall-ispazju b'ammont sostanzjali.

3.2

Il-prijoritajiet huma l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-awtonomija u l-awtosuffiċjenza. Is-swieq kollha taċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun huma 100 % istituzzjonali u fir-Russja huwa kważi kollu. Fl-Istati Uniti, dan jirrappreżenta 70 %. Dan huwa b'mod ċar għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tal-Ewropa fejn 50 % tas-suq jiddependi mis-settur privat. Għandu jiġi nnutat li f'termini ta' volum, l-20 % tas-sehem mis-suq tas-settur privat fl-Istati Uniti jirrappreżenta aktar minn 50 % tas-sehem tas-suq privat fl-Ewropa.

3.3

Is-suq globali qed jikber filwaqt li l-kompetizzjoni qed tintensifika minħabba l-wasla ta' pajjiżi ġodda involuti fl-ispazju. Dan qed jhedded il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea miksuba bl-għaraq ta' xbinha hekk kif qed ifeġġu ostakli fl-istess ħin li dawn il-pajjiżi l-ġodda qed iwettqu politiki ta' esportazzjoni aggressivi. Minħabba t-tnaqqis fil-baġit tad-difiża, is-settur tal-ispazju Amerikan ukoll miexi fit-triq li twassal għall-esportazzjonijiet dinjija.

3.4

F'dan il-kuntest, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju kif ippreżentat f'sensiela ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill u fil-Komunikazzjonijiet tal-KE. Aktar minn qatt qabel, il-Kunsill u l-Kummissjoni qed jenfasizzaw, u bir-raġun, il-bżonn ta' awtonomija Ewropea fl-oqsma strateġiċi tas-settur tal-ispazju, bil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-aċċess indipendenti tal-Ewropa għall-ispazju.

3.5

Bħalissa l-Ewropa għadha dipendenti sew fuq teknoloġiji Amerikani. L-isforzi biex din id-dipendenza titnaqqas u tiġi żgurata ċ-ċertezza ta' provvista mingħajr interruzzjoni ta' għarfien u materjal ta' teknoloġija għolja jeħtieġu sforzi kbar mill-gvernijiet, l-ASE u l-UE.

3.6

Bi tweġiba għall-attivitajiet b'riskju għoli u li jsiru fuq żmien twil, il-possibbiltà tal-previżjoni, iċ-ċertezza u l-impenn kontinwu huma indispensabbli. Is-settur qiegħed fi triqtu lejn il-maturità u għadu fraġli, speċjalment fejn għandhom x'jaqsmu l-SMEs, li huma kruċjali għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet. Il-kriżi attwali żżid il-vulnerabbiltà.

4.   Il-politika industrijali għas-settur spazjali

4.1

F'din il-klima diffiċli, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal politika industrijali tal-UE attiva, abbażi tal-Artikoli 173 u 189 tat-TFUE.

4.2

Għall-ewwel darba l-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond tal-isfidi wara li kkonsultat firxa wiesgħa ta' partijiet pubbliċi u privati. Din l-analiżi, li ġiet aċċettata b'mod wiesa' hija element importanti li permezz tiegħu tista' ssir il-qabża 'l quddiem mill-baġit attwali ta' madwar EUR 4 biljun tal-ASE għall-EUR 11-il biljun addizzjonali tal-baġit tal-ispazju għall-2014-2020. Meta jitqiesu l-politiki aggressivi ta' pajjiżi oħra involuti fl-ispazju, dan huwa pass 'il quddiem deċiżiv.

4.3

Dan il-finanzjament addizzjonali huwa wkoll punt ta' tluq tajjeb fis-settur li x'aktarx ser jikber b'mod konsiderevoli fl-għaxar snin li ġejjin minħabba żewġ raġunijiet:

dan huwa settur strateġiku

minħabba t-teknoloġiji li jirfduh, is-settur jgħin lil attivitajiet ekonomiċi oħra, u joħloq sinerġiji pożittivi ma' setturi li jgawdu direttament mit-teknoloġiji u s-servizzi spazjali.

4.4

Għadd dejjem jikber ta' attivitajiet jibbenefikaw mis-servizzi tal-ispazju: is-sigurtà, l-agrikoltura, it-trasport, l-iżvilupp reġjonali, il-monitoraġġ tal-oċeani, il-meteoroloġija, it-telekomunikazzjonijiet, ix-xandir. Dan jindirizza l-lakuni diġitali li jeżistu.

4.5

Barra minn hekk, l-ispazju ser ikun ta' appoġġ għal għadd ta' kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, is-sajd, id-deforestazzjoni, il-monitoraġġ tar-riżorsi naturali u tal-katastrofi. L-Ewropa għandha tkun armata b'sistema globali proprja biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha, fl-istess livell tal-pożizzjoni ekonomika tagħha fid-dinja. Hemm bżonn jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini.

4.6

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni li fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tajbin, l-UE tagħmel użu mill-opportunitajiet ta' politika industrijali proattiva. Huwa jara dan bħala t-tħejjija konkreta tal-kunċett usa' ta' politika industrijali tal-UE kif ġie stabbilit fil-Komunikazzjonijiet tal-KE dwar il-politika industrijali tal-2010 u l-2012.

4.7

Din għandha tiżgura li l-Ewropa jkollha aċċess indipendenti għall-ispazju fit-tfassil u l-iżvilupp tas-sistemi tal-ispazju kif ukoll fil-programmi ta' llanċjar u ta' esplojtazzjoni. Huwa indispensabbli li jkun hemm awtosuffiċjenza u verifika indipendenti tad-data, bla dubju rigward iċ-Ċina, iżda anke fir-rigward tan-nazzjonijiet ħbieb, bħall-Istati Uniti, li l-Ewropa ma tistax ma tikkompetix magħhom.

4.8

Il-maġġorparti tal-politiki industrijali, xprunata mill-istrateġiji nazzjonali, għadha fl-Istati Membri. Dawn l-istrateġiji huma parti mill-qasam usa' tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża, u dan jispjega wkoll ir-rabta mill-qrib bejn il-gvernijiet, ir-riċerka nazzjonali u l-industriji. Dan iwassal għal ostakli interni u, għalhekk, għal frammentazzjoni u xogħol maqsum, biex ma nsemmux il-fatt li l-Ewropa tibqa' lura.

4.9

Dan joħroġ fid-dieher li l-bżonn ta' kundizzjonijiet indaqs huwa prerekwiżit għal kwalunkwe politika industrijali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tfassal kriterji ċari biex tiddefinixxi b'mod preċiż il-kunċett ta' "kundizzjonijiet indaqs". Kunċett definit sew huwa wkoll indispensabbli għal kull miżura "ta' reċiproċità" li tittieħed fil-kuntest tal-ftuħ reċiproku tas-swieq internazzjonali ma' pajjiżi terzi.

4.10

Il-KESE jinsisti li l-kundizzjonijiet indaqs u l-kompetizzjoni interna trasparenti fi ħdan l-Unjoni għandhom ikunu l-għan finali. Dan għandu jgħin b'mod konsiderevoli biex l-Ewropa żżomm il-pass mal-bqija tad-dinja.

4.11

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-Kummissjoni għar-R&Ż, il-KESE jsemmi żewġ elementi ewlenin li jridu jiġu indirizzati:

programmi tal-Orizzont 2020 biex jappoġġjaw il-kompetittività tal-UE permezz ta' sejħiet għall-offerti effiċjenti, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ASE u mal-programmi separati tal-Istati Membri tar-R&Ż spazjali

il-garanzija ta' tranżizzjoni integrata mir-R&Ż għall-fażijiet operattivi tal-programmi tal-UE.

4.12

Dawn il-punti ta' tħassib huma marbuta mal-baġits għar-R&Ż li qed jonqsu fl-Istati Membri. L-infiq globali għadu bejn wieħed u ieħor l-istess minħabba li l-Kummissjoni tagħti sehemha biex tikkumpensa. L-unika eċċezzjoni hija l-Ġermanja li dan l-aħħar żiedet il-baġit tagħha għar-R&Ż spazjali b'10 %.

4.13

Kif innota l-KESE f'diversi okkażjonijiet, politika industrijali li tirnexxi hija waħda trasversali: trid tiġi żgurata l-koordinazzjoni fost id-diversi Direttorati Ġenerali tal-KE sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha stabbiliti mid-DĠ Intrapriża, pereżempju mad-DĠ Connect dwar il-komunikazzjonijiet bis-satellita (SatComs) u mad-DĠ Kummerċ dwar il-ftuħ tas-swieq u l-garanzija ta' "sigurtà tal-provvista" ta' komponenti kruċjali.

5.   L-ASE u l-UE

5.1

Ix-xjenza u t-teknoloġija huma fundamentali. Il-KESE jisħaq għal darb'oħra l-importanza kbira tal-ASE fil-politika spazjali Ewropea. Meta jitqiesu l-ostakli li jridu jingħelbu f'kull qafas intergovernattiv, m'hemm l-ebda dubju dwar il-prestazzjoni preċedenti u attwali tal-ASE. Sa mill-bidu hija tat kontribut sinifikanti lill-attivitajiet spazjali Ewropej kif inhuma. L-ASE kellha rwol indispensabbli fir-R&Ż spazjali u, sa ċertu punt, anke f'attivitajiet industrijali, mhux l-inqas minħabba l-proporzjon pożittiv bejn il-kost u l-kwalità tal-prodotti.

5.2

L-ASE hija msieħeb mgħammar tajjeb għall-gvernijiet nazzjonali u l-industriji. Għaldaqstant, il-kisbiet tagħha huma parti mill-katina li hi kkwalifikata ħafna u li tibni fuq il-bażi għall-industrija Ewropea u ssaħħaħha. Barra minn hekk, is-sistema tar-"ritorn ġust", li għaddejja bħalissa, ħeġġet lill-gvernijiet jimmonitorjaw il-prestazzjoni globali fir-R&Ż u l-attivitajiet relatati fil-pajjiżi rispettivi.

5.3

Madankollu, bil-mod il-mod beda joħroġ ċar li kellhom jinstabu mogħdijiet ġodda biex l-UE tkun verament attur kompetittiv globali. Il-Ftehim Qafas tal-2003 bejn l-ASE u l-UE beda jżid il-politiki tal-UE u r-riżorsi finanzjarji kif ukoll itejjeb il-kompetizzjoni u l-kompetittività. Inbdiet għalhekk sħubija bejn l-ASE u l-UE li rnexxiet. It-tkomplija tal-impenn mill-ASE ser tkun pedament sod ta' kwalunkwe politika industrijali spazjali tal-UE.

5.4

Minkejja dan, iċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu malajr jitolbu valutazzjoni preċiża tal-proċeduri u tal-proċedimenti u għall-aħjar użu possibbli tar-riżorsi finanzjarji għall-appoġġ tat-tkomplija tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej.

5.5

Ir-rwol tal-ASE fil-ħolqien ta' bażi soda għall-esplojtazzjoni tas-sistemi spazjali tal-Ewropa nnifisha permezz ta' applikazzjonijiet iffukati u integrati, ġie rikonoxxut iżda l-appoġġ li jista' jagħti lill-politiki tal-UE għadu ma ntużax b'mod sħiħ. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-ASE għandha toħloq momentum qawwi f'dan ir-rigward.

5.6

Hemm bżonn ta' approċċi u mekkaniżmi ġodda biex nappoġġjaw politika maħsuba apposta għall-użu b'suċċess u l-esplojtazzjoni sostenibbli ta' sistemi spazjali operattivi. Bl-istess mod, hemm bżonn li ssir Ewropizzazzjoni effettiva tar-riżorsi biex jiġu appoġġjati t-tliet għanijiet li ġejjin:

iż-żamma ta' bażi xjentifika b'saħħitha

inċentivi ġodda għat-teknoloġija applikata u għas-suq

inċentivi għall-iżvilupp ta' sensiela ġdida ta' applikazzjonijet u servizzi (li jappoġġjaw setturi oħra).

5.7

Id-deċiżjonijiet riċenti huma konformi mal-modernizzazzjoni li l-KESE ppromova fl-Opinjoni tiegħu tal-2008 (8). Dak iż-żmien, il-KESE kien saħaq li l-maturità li qed tikber tas-suq tal-ispazju titlob aktar flessibbiltà li, fi żmien ta' ċikli teknoloġiċi dejjem aktar mgħaġġlin u sinerġiji u applikazzjonijiet li qed jiżdiedu, bħala regola, mhijiex garantita b'xejriet fissi ta' relazzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipju tar-ritorn ġust kif prattikat mill-ASE (9).

5.8

Il-bidliet ta' malajr għandhom jiġu evitati. Għaldaqstant il-KESE rrakkomanda analiżi u djalogu dwar il-prestazzjoni mixtieqa mill-Ewropa sa għaxar snin oħra: "id-djalogu għandu jinkludi l-mod kif l-ASE hija ffinanzjata, il-kontribut dinamiku tal-kumpaniji ta' daqs medju u ż-żamma tal-ogħla livell ta' kompetizzjoni' (10)

5.9

Il-KESE jqis li r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Novembru li għadda dwar ir-relazzjoni bejn l-UE ul-ASE (11) flimkien mal-qafas finanzjarju l-ġdid, adottat fit-8 ta' Frar, bħala applikazzjoni konkreta waħda tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu tal-2008. L-UE dieħla f'fażi ġdida.

5.10

Fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet, l-ASE, li tgawdi minn esperjenza dejjiema, ser issir responsabbli għall-ġestjoni eżekuttiva, iżda ser tagħmel dan abbażi tar-regoli tal-UE. Jekk jiġu implimentati sew, ser jinstab bilanċ ottimali bejn il-kompetenzi tal-ASE u l-mekkaniżmu regolari tas-suq tal-UE.

5.11

Għadu mhuwiex ċar kif il-metodi ta' ħidma maqbula ser jaħdmu, żgur mhux fl-ewwel fażi. Minkejja xi bidliet żgħar matul l-aħħar snin, fejn l-approċċi tas-suq ġew imbuttati fuq quddiem, inħolqot relazzjoni ġdida max-xjenza u r-riċerka fl-ispazju. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-iżvilupp ta' kriterji distintivi fattibbli bejn il-prinċipju konvenzjonali tal-ESA dwar ritorn ġust (li għandu l-għan li jiżviluppa u juża industrija diversifikata fil-qasam tal-ajruspazju fl-Ewropa) u r-regoli tas-suq intern tal-UE li huma vinkolanti għall-Kummissjoni, b'tali mod li jissaħħu l-kooperazzjoni ta' siwi bejn il-Kummissjoni u l-ESA u l-industrija spazjali Ewropea.

5.12

Dan l-aspett ġie indirizzat ukoll fl-opinjoni addizzjonali tas-CCMI dwar dan is-suġġett. Sadanittant kien possibbli li jiġu ċċarati b'mod sodisfaċenti xi aspetti kritiċi identifikati f'din l-opinjoni addizzjonali.

6.   Kwistjonijiet speċifiċi

6.1

Fit-tfassil tal-politika spazjali skont l-Artikolu 189, kemm jista' jkun għandhom jiġu applikati kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-inizjattiva li jikkooperaw bejniethom dwar kwistjonijiet speċifiki. Dawn il-proċessi jistgħu jiġu monitorjati mill-Kummissjoni.

6.2

F'ambjent kompetittiv u dinamiku li qiegħed dejjem jinbidel għandhom jiġu definiti l-kundizzjonijiet tajbin b'appoġġ għal bażi kompetittiva soda għall-industrija tal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jinsisti li minn issa 'l quddiem l-industrija tingħata pożizzjoni formali fil-korpi konsultattivi, speċjalment f'oqsma fejn huma attivi l-kumpaniji ż-żgħar. Ir-rekwiżiti għandhom jiġu definiti b'mod miftuħ u trasparenti.

6.3

Fost il-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi hemm politika dwar id-data ħielsa u miftuħa, il-kwalità, l-istandards u ċ-ċertifikazzjoni. Is-servizzi huma pprovduti kemm mill-korpi tas-settur pubbliku kif ukoll mill-atturi privati, li jwassal għall-bżonn li jkun hemm monitoraġġ effettiv.

6.4

Arranġamenti konsultattivi stabbiliti sew għandhom jgħinu l-appoġġ għall-potenzjal enormi tal-SMEs. Parti adegwata mill-baġit għall-Copernicus u l-Galileo għandha tiġi użata għall-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet ġodda.

6.5

Minħabba l-intensità tat-teknoloġija, il-medja tal-forza tax-xogħol hija kkwalifikata ħafna. Madwar id-dinja s-settur tal-ispazju għandu 800 000 impjegat, li minnhom 25 % jinsabu fl-Istati Uniti u 4 % (!) fl-Ewropa. Hemm bżonn li qed jikber għal impjegati ggradwati biex jittejjeb il-potenzjal Ewropew u jiġu ġġenerati sinerġiji ta' ġid. Kuntratti tax-xogħol diċenti għandhom ikunu l-istandard sabiex is-settur isir iktar attraenti.

6.6

L-ispazju jistimola l-immaġinazzjoni taż-żgħażagħ. Il-KESE jinsisti fuq politika tax-xogħol attiva, ibbażata fuq edukazzjoni u taħriġ aġġornati, u promossa fl-edukazzjoni teknika għolja, inkluża relazzjoni mill-qrib mar-riċerka u l-innovazzjoni. Din ser trawwem ukoll mobbiltà mixtieqa u adatta.

6.7

Minħabba li s-suq istituzzjonali huwa sinifikanti ħafna, il-politika industrijali fil-qasam tal-ispazju hija relatata mill-qrib mal-politiki tal-akkwist pubbliku. Dawn għandhom jilħqu rekwiżiti għoljin ta' kwalità u trasparenza. Il-KESE jenfasizza li l-industrija tilqa' bi ħġarha t-tħejjija ta' politika speċifika għall-akkwist pubbliku dwar l-ispazju, fejn l-UE tkun involuta direttament, ladarba l-ambitu tagħha jkun ġie definit bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

6.8

Din il-politika ser twitti t-triq biex l-UE tassumi r-rwol tagħha ta' sid l-infrastrutturi Ewropej tal-Ispazju u dak ta' klijent għas-servizzi bbażati fl-ispazju biex taqdi firxa wiesa' ta' politiki pubbliċi.

6.9

Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom x'jaqdu r-reġjuni u l-impenn reġjonali biex jitrawmu l-attivitajiet li qed jiżviluppaw fl-industrija spazjali. Ir-rwol tar-reġjuni mhuwiex stmat biżżejjed. Dawn għandhom ikunu informati u mgħammra b'mod adegwat sabiex jibbenefikaw minn impatt pożittiv potenzjali meta jsir użu effiċjenti mis-servizzi spazjali.

6.10

Għad hemm nuqqas ta' kejl tas-swieq kwantitattiv sodisfaċenti, li jirriżulta f'nuqqas ta' data affidabbli dwar l-effett finali tar-riċerka dwar l-ispazju fl-applikazzjoni aktar 'l isfel fil-katina. L-għarfien analitiku ta' 'l isfel jew 'l fuq fil-ktajjen irid jidħol aktar fil-fond.

6.11

Analiżi tal-Euroconsult li, fost affarijiet oħra, tgħid li l-investimenti aktar 'l fuq fil-katina fl-Istati Uniti jiġġeneraw id-doppju ta' attivitajiet li jagħmlu qligħ aktar 'l isfel fil-katina mill-Ewropa tiġi kkontestata, iżda qatt ma tiġi rifjutata analitikament (12). Għall-UE hemm mudell interessanti ieħor, uniku tat-tip tiegħu, li huwa analiżi aġġornata dwar l-impatt ekonomiku tad-diversi partijiet tal-industrija spazjali tar-Renju Unit (13).

6.12

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-Istati Membri jwettqu analiżijiet konġunti tad-diversi partijiet tas-settur u li jpoġġuhom f'perspettiva dinjija. Ċifri kkonsolidati dwar impjiegi, rati ta' tkabbir u applikazzjonijiet (ġodda) ser itejbu r-rilevanza tas-settur u jsostnu l-appoġġ pubbliku li għaddej.

7.   Is-sigurtà u d-difiża

7.1

B'mod simili għall-politiki spazjali tal-kompetituri tal-Ewropa, fil-fehma tal-KESE, politika spazjali tal-UE tħalli aktar frott jekk tkun integrata fi ftehim dejjem jikber bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet strateġiċi fid-difiża u s-sigurtà u għaldaqstant, f'perspettiva usa' tal-politika barranija tal-UE. Din ir-rabta għandha titqies fid-dibattitu li ġej dwar id-difiża Ewropea, fejn ikun adatt.

7.2

Il-kooperazzjoni Ewropea fl-ispazju hija ħafna aktar żviluppata minn kull settur ieħor tad-difiża. L-attivitajiet spazjali relatati mad-difiża jistgħu jkunu relatati wkoll mat-tfassil ta' politika tal-UE għad-difiża bħala piloti jew bħala eżempji għal proġetti ta' difiża komuni. Il-KESE jinnota li din il-proposta diġà saret saħansitra fl-1987! Iżda qatt ma ngħatat segwitu.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-politika industrijali spazjali tal-UE - Ir-rilaxx tal-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku fis-settur spazjali, COM(2013) 108 final, Frar 2013.

(2)  Ara b'mod partikolari ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24, Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-KE dwar il-Politika Spazjali Ewropea, COM(2007) 212 final.

(3)  Ara l-Komunikazzjoni tal-KE, p. 4.

(4)  Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(5)  Ara ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 153; ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20.

(6)  Ara ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72 dwar il-GMES u l-operazzjonijiet tagħha mill-2014 'l quddiem.

(7)  Ara d-dokument ta' pożizzjoni tal-ASD-Eurospace dwar il-politika industrijali, Frar 2013, paġna 2.

(8)  Ara ĠU C 162, 25.6.2008, p. 24.

(9)  Ara ibid punt 1.11.

(10)  Ara ibid punt 1.13.

(11)  Riżoluzzjoni dwar ir-rwol tal-ASE biex fl-Ewropa jinżammu l-kompetittività u t-tkabbir, 20 ta' Novembru 2012.

(12)  Fl-2011, il-Euroconsult waslet għall-konklużjoni li r-relazzjoni bejn l-applikazzjonijiet aktar 'l isfel u aktar 'il fuq fil-katina hija ta' EUR 1: EUR 16, filwaqt li fl-Ewropa r-relazzjoni tkun 'biss' EUR 1: EUR 8.

(13)  L-industrija spazjali tar-Renju Unit "Update of the Size and Health of the UK Space Industry" (Aġġornament tad-daqs u l-istat tal-industrija spazjali tar-Renju Unit), mill-Oxford Economics, 2010.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012 — Aċċellerazzjoni tal-bidla”

COM(2013) 149 final

2013/C 341/08

Relatur: is-Sur STANTIČ

Nhar il-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012 - Aċċellerazzjoni tal-bidla

COM(2013) 149 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 1 vot kontra u 1 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippubblika għat-tieni sena konsekuttiva, rapport dwar l-istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, fejn tinnota progress konsiderevoli, speċifikament li 80 % tal-obbligi taħt l-inizjattiva ewlenija qed jiġu implimentati skont kif ippjanati. Il-KESE jaqbel li sar progress, partikolarment rigward il-politika ta' qafas, li hija marbuta mal-implimentazzjoni ta' għanijiet konkreti. Għaldaqstant jistenna li sal-aħħar tal-2014 ikunu ġew implimentati l-34 għan kollha.

1.2

Minkejja l-progress li ntlaħaq fl-2012 f'diversi oqsma importanti, bħall-privattiva unika u r-regoli l-ġodda dwar il-fondi ta' kapital ta' riskju, m'hemmx lok għal kompjaċenza. L-unjoni tal-innovazzjoni għadha mhux qed tagħti riżultati f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi. Lanqas ma nistgħu naraw progress importanti fil-kompetittività globali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.3

Il-KESE għandu tħassib partikolarment serju għax, fil-maġġoranza tal-baġits tal-Istati Membri, qed jinnota x-xejra ta' infiq li qed jonqos għar-riċerka u l-iżvilupp għat-tieni sena konsekuttiva. Huwa daqstant ieħor inkwetanti d-distakk fl-innovazzjoni li qed jikber fost l-Istati Membri u bejn reġjuni individwali. Se tkun meħtieġa kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-effettività tal-politika ta' koeżjoni reġjonali u tal-Fondi Strutturali b'rabta mal-Unjoni tal-Innovazzjoni, speċjalment rigward l-eżodu ta' mħuħ mir-reġjuni anqas vantaġġjati tal-Ewropa lejn ċentri tar-riċerka stabbiliti.

1.4

Il-kriżi diġà ġiegħlet 'l-Ewropa ssaħħaħ l-integrazzjoni sabiex tiżgura l-istabbiltà makroekonomika u l-funzjonament tal-unjoni monetarja. Il-KESE huwa konvint li integrazzjoni akbar u msaħħa hija meħtieġa wkoll fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp jekk tassew irridu li l-proġett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jġib miegħu kompetittività akbar tal-għarfien Ewropew, tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi. Il-KESE jappella lill-Kunsill Ewropew biex jappoġġja t-tisħiħ tal-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni fil-konklużjonijiet tas-Summit tiegħu f'Ottubru.

1.5

Il-KESE huwa konvint li, anke jekk jintlaħqu l-34 obbligu kollha, l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tissaħħaħ aktar u, f'dan ir-rigward, jappoġġja r-rakkomandazzjonjiet tal-Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (1) u r-reazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ħin, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex, kemm jista' jkun malajr, tfassal lista ta' miżuri u oqsma fejn it-tisħiħ tal-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa possibbli u urġenti. Il-Kumitat jara opportunitajiet ta' tisħiħ partikolarment biex ikompli jittejjeb l-ambjent favur tkabbir aktar mgħaġġel tal-impriżi innovattivi, fl-innovazzjoni fis-settur pubbliku, fl-innovazzjoni soċjali u fil-mudelli ġodda għan-negozju innovattiv, u dan kollu jista' jbiddel ta' taħt fuq il-mentalità u l-approċċi eżistenti għal soluzzjonijiet innovattivi.

1.6

Żona Ewropea tar-Riċerka li taħdem b'mod tajjeb hija komponent indispensabbli għall-Unjoni tal-Innovazzjoni. Minkejja l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill Ewropew, il-KESE għandu dubji dwar jekk din tkunx lesta sal-aħħar tal-2014, minħabba li mhux qed jara biżżejjed progress fl-oqsma ewlenin: mobbiltà tar-riċerkaturi, l-aħjar użu tal-infrastruttura tar-riċerka, l-użu kompetittiv tal-fondi nazzjonali għar-riċerka, it-tlestija tas-suq għad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, eċċ. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u 'l-Istati Membri biex, mill-aktar fis possibbli, jiżguraw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka kif ġie suġġerit mill-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha (2).

1.7

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fit-twaqqif ta' infrastruttura għar-riċerka tal-ogħla kwalità fil-livell pan-Ewropew u r-riżultati bikrin inkoraġġanti tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni. Huwa jqis li, f'xi każijiet, dawn tal-aħħar għadhom mudelli mhux verifikati u mhux kompletati u jappella lill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-esperjenza s'issa, biex tħejji analiżi komprensiva tal-effettività tagħhom flimkien ma' kundizzjonijiet uniformi għat-tħaddim u l-finanzjament tagħhom.

1.8

Is-sistema ta' appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa għadha kumplessa wisq, u dan jaqta' lill-mikro-impriżi u dawk ta' daqs żgħir b'mod partikolari, barra mill-proġetti tar-riċerka Ewropej. Minbarra r-rekwiżiti amministrattivi kumplikati u li jitolbu ammont ta' ħin, hemm ukoll differenzi sinifikanti fir-rigward tal-proċeduri bejn il-programmi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

1.9

Il-Kumitat jara potenzjal konsiderevoli biex l-innovazzjoni titħeġġeġ permezz ta' aktar immirar innovattiv tal-akkwist pubbliku. Għaldaqstant jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-użu tal-akkwist prekummerċjali u jagħmlu skambju tal-esperjenzi u l-mudelli għall-akkwist favur l-innovazzjoni-. Dan għandu japplika wkoll għall-akkwist pubbliku finanzjat mill-Fondi Strutturali.

1.10

Ir-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni għandha, fost affarijiet oħrajn, tagħti lill-Ewropa ħafna aktar xjentisti u inġiniera bi kwalifiki għolja (3). Il-KESE jaħseb li tkun ħaġa tajba li t-taħriġ fl-intraprenditorija u fil-ħiliet maniġerjali jiddaħħlu fil-programmi ta' studju tagħhom; dawn huma kruċjali biex l-ideat tajba jissarrfu b'mod effettiv fi proġetti li jirnexxu. Il-Kumitat jitlob li n-negozji u l-imsieħba soċjali jiġu inklużi fit-tħejjija tal-kurrikula u fit-tmexxija tal-programmi dottorali.

1.11

Il-KESE jixtieq li mill-ġdid jenfasizza r-rwol speċifiku tal-innovazzjoni soċjali, li tista' taqdi rwol importanti biex tinidirizza l-kriżi u l-isfidi l-oħrajn tas-soċjetà moderna. Għalhekk, għandhom jiġu żviluppati dawk il-mekkaniżmi ta' appoġġ li huma aċċessibbli wkoll għal dawk li għandhom il-potenzjal biex ikunu innovaturi soċjali fis-soċjetà ċivili u għas-settur tal-ekonomija soċjali. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, kemm jista' jkun malajr, tipprovdi appoġġ għall-ħolqien ta' inkubaturi ta' proġetti soċjali innovattivi.

2.   Kuntest għall-Opinjoni u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin imħabbra fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-mira tagħha hija li toħloq ambjent aktar favorevoli għall-innovazzjoni fl-Ewropa u b'hekk tiżgura li l-ideat innovattivi jissarrfu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi. L-analiżi juru li l-pajjiżi li investew aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-passat jirkupraw sostanzjalment aktar malajr u għandhom livelli ogħla ta' impjieg (4).

2.2

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2012 (5), il-Kummissjoni Ewropea tiġbor fil-qosor, għat-tieni sena konsekuttiva, il-kisbiet fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell Ewropew f'termini ta' implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, waħda mill-inizjattivi ewlenin importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.3

F'termini ġenerali, il-Kummissjoni tirrapporta progress kunsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Aktar minn 80 % tal-inizjattivi mexjin kif previst. L-Istati Membri qed jiffukaw aktar u aktar fuq il-ħolqien ta' ambjent tan-negozju li jiffavorixxi l-innovazzjoni: huma qed inaqqsu t-taxxi fuq l-investiment fir-riċerka, ibaxxu t-taxxi fuq il-profitti mill-privattivi, qed jagħmluha aktar faċli biex jiġi aċċessat il-kapital ta' riskju, eċċ.

2.4

Madankollu, il-Komunikazzjoni ssemmi numru ta' tendenzi inkwetanti, ħafna minnhom b'konsegwenza tal-kriżi ekonomika u bilanċi negattivi kbar:

fl-2011 u l-2012, fil-baġits ta' ħafna mill-Istati Membri, tidher tendenza ta' infiq għar-riċerka u l-innovazzjoni li qed jonqos;

differenzi fl-effiċjenza u fl-effettività tas-sistemi tar-riċerka nazzjonali li jwessgħu d-distakk tal-innovazzjoni fost il-pajjiżi u r-reġjuni;

f'xi pajjiżi, hemm tnaqqis fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fis-settur privat, speċjalment fost l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

minħabba d-diversi konġestjonijiet li jxekklu t-tkabbir, is-sehem tal-Ewropa ta' negozji innovattivi li jikbru b'rata mgħaġġla huwa żgħir wisq.

2.5

Sejba ewlenija tal-komunikazzjoni hija li l-Ewropa għandha tqawwi l-impenn tagħha biex toħloq tkabbir mibni fuq l-innovazzjoni. Biex jintlaħaq dan l-għan, l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha tiġi żviluppata aktar u b'urġenza. Fil-preżent, għad mhuwiex ċar f'liema oqsma, b'liema miżuri u b'liema mezzi jista' jsir dan it-tisħiħ.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħejji analiżi tal-istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni ta' kull sena. Din hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Analiżi f'waqtha tar-riżultati tiffaċilita miżuri korrettivi f'oqsma fejn l-affarijiet ma jkunux sejrin fid-direzzjoni t-tajba.

3.2

Minħabba l-prattika tas-soltu f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta' leġislazzjoni ġdida tal-UE, perjodu ta' sentejn huwa qasir wisq biex tinkiseb evalwazzjoni reali tar-riżultati (6). Minkejja dan, il-KESE japprezza li l-qafas ta' politika għall-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa fil-parti l-kbira tiegħu f'postu, għalkemm għadhom mhux qed jidhru riżultati f'termini ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda.

3.3

Fil-kuntest tad-dibattitu, li għandu ħakma daqstant kbira, dwar l-iżbilanċi tal-baġits pubbliċi, miżuri ta' awsterità xejn popolari u telf ġenerali tal-fiduċja fil-proġett Ewropew, l-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mill-istejjer li l-aktar huma pożittivi u li rnexxew. Il-parti l-kbira tal-impenji taħt l-Unjoni tal-Innovazzjoni mexjin kif previst. Għalhekk, il-KESE raġonevolment jistenna li l-34 impenn jiġu sodisfatti sal-aħħar tal-2014.

3.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fil-qasam tal-iżvilupp tal-infrastruttura pan-Ewropea għar-riċerka ta' prijorità b'riżultat tar-rwol u l-attività effettivi tal-ESFRI (7). Minn total ta' 48 proġett fil-lista tal-ESFRI, 27 proġett huma diġà fil-fażi ta' implementazzjoni, li jawgura tajjeb għall-ilħuq tal-mira ta' żvilupp ta' 60 % tal-infrastruttura Ewropea għar-riċerka ta' prijorità sal-2015 (8). Fil-fehma tal-Kumitat, l-Ewropa għadha qed tagħmel ftit wisq sabiex tikkoordina u tottimizza l-użu tal-infrastruttura tar-riċerka tagħha.

3.5

Il-kunċett ġdid ta' Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, li jħaddan fih il-proġetti pilota inizjali li huma mmirati biex jindirizzaw sfidi soċjetali ewlenin (9), s'issa qed juri stampa inkoraġġanti. Dawn jimmiraw biex ilaqqgħu flimkien il-partijiet interessati fil-livelli kollha, biex jegħlbu l-frammentazzjoni u jiffurmaw massa kritika. Minkejja dawn is-sinjali pożittivi, is-sħubijiet Ewropej għadhom f'ċerti każijiet mudelli mhux verifikati u mhux kompluti. Il-KESE għaldaqstant jappella lill-Kummissjoni, abbażi tal-esperjenza li nġabret sal-lum, sabiex tħejji analiżi komprensiva dwar l-effettività tagħhom kemm jista' jkun malajr u biex tfassal kundizzjonijiet uniformi għat-tħaddim u l-finanzjament tagħhom fil-futur.

3.6

Minkejja li bla dubju sar progress f'ċerti oqsma, m'hemmx lok għal kompjaċenza. Hawn taħt, il-KESE se jelabora dwar l-oqsma fejn it-titjib li sar għad mhuwiex biżżejjed u fejn hija meħtieġa azzjoni effettiva u fi żmien qasir.

3.7

Is-sistema ta' appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għadha kumplessa wisq fl-Ewropa. Benefiċjarji potenzjali jiffaċċjaw diversità ta' strumenti eżistenti (programmi nazzjonali u reġjonali, inizjattivi intergovernattivi u proċeduri ta' finanzjament tal-UE) li jaqtgħu qalb dak li jkun. L-ammont ta' burokrazija ma tnaqqasx b'mod sinifikanti lanqas. Dan ixekkel il-kooperazzjoni transkonfinali u jaqta' qalb l-SMEs u, b'mod partikolari, tal-mikrointrapriżi milli jipparteċipaw fi proġetti ta' riċerka tal-UE. Minbarra l-piż amministrattiv, hemm ukoll diverġenzi sinifikanti fil-proċeduri.

3.8

Il-punt inizjali għall-Unjoni tal-Innovazzjoni huwa li tinħoloq sistema ta' edukazzjoni moderna u eċċellenti fl-Istati Membri kollha, inkluża riforma tal-edukazzjoni għolja. In-negozji għadhom ftit li xejn jipparteċipaw fit-tħejjija tal-kurrikula u t-tmexxija tal-programmi dottorali. Il-KESE mill-ġdid jitlob li l-imsieħba soċjali jitħallew jipparteċipaw b'mod attiv fl-ippjanar tas-sistemi edukattivi tal-futur.

Il-KESE jitlob ukoll li l-ħiliet maniġerjali u ta' intraprenditorija jiddaħħlu fl-edukazzjoni tax-xjentisti u tal-inġiniera t'għada biex tiġi faċilitata u promossa t-trasformazzjoni ta' ideat tajba fi proġetti li jistgħu jirnexxu u li huma kummerċjabbli.

3.9

Il-KESE jappoġġja definizzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni, li tista' tifrex fuq diversi oqsma. Fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, huwa enfasizza diversi drabi r-rwol speċifiku tal-innovazzjoni soċjali  (10), li ta' spiss toriġina direttament mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ħafna aspetti tas-sistemi Ewropej tal-ħarsien soċjali jirriżultaw minn ideat innovattivi ta' atturi mis-soċjetà ċivili u mill-ekonomija soċjali. Għalhekk, l-appoġġ għall-innovazzjoni għandu jinkludi l-oqsma tas-soċjetà kollha, u l-mekkaniżmi ta' finanzjament għandhom ikunu adattati għad-diversità straordinarja tal-innovazzjoni.

3.10

Għad m'aħniex effettivi fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ideat innovattivi: l-aċċess għall-finanzi, partikolarment għall-kumpaniji żgħar innovattivi, għadu diffiċli (tnaqqis fil-fondi ta' kapital ta' riskju minħabba l-kriżi finanzjarja). L-intraprenditorija u l-innovazzjoni ta' spiss jimxu id f'id. Fl-Ewropa aħna tradizzjonalment anqas tolleranti għall-idea ta' falliment ta' negozju. Għandna saħansitra aktar riżervi dwar proġetti riskjużi li huma msejsa fuq l-innovazzjoni. Is-suq uniku tal-kapital (speċjalment kapital ta' riskju) għadu mhux qed jiffunzjona. Il-forom ġodda għall-iffinanzjar ta' negozji innovattivi, bħall-"crowd funding" jew "business angels" qed jitfaċċaw bil-mod wisq. Il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji kienet esperjenza tajba ħafna, imma sfortunatament ma tistax tissodisfa d-domanda.

3.11

L-ikkompletar tas-suq uniku fl-innovazzjoni jiddependi ħafna minn funzjonamanet tajjeb tas-suq uniku Ewropew. Dan għadu qed jiffaċċja diversi ostakli u nuqqasijiet, speċjalment fil-qasam tal-moviment ħieles tas-servizzi u l-kapital (11). Mill-ġdid, il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar il-ħolqien ta' bażi tad-data (fil-forma ta' magna tat-tiftix (search engine)) li tkun tinkludi għarfien speċifiku mingħand negozji individwali u istituti tar-riċerka sabiex jiġi faċilitat in-netwerking rapidu tan-negozji u organizzazzjonijiet oħrajn u jgħaqqadhom ma' proġetti innovattivi (forsi fi ħdan il-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi li diġà jeżisti) (12).

3.11.1

L-ostakli għall-ikkompletar tas-suq uniku għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jaqgħu fl-istess kategorija. Filwaqt li issa sa fl-aħħar il-privattiva Ewropea unika hija stabbilita, u dan huwa pass importanti, il-proċeduri għadhom mhux qed jaħdmu.

3.12

L-Ewropa għadha tkarkar lura wkoll fl-ikkompletar tas-swieq tal-akkwist innovattiv, speċjalment fir-rigward tal-mekkaniżmi għall-akkwist pubbliku (13). Fl-UE, in-numru ta' offerti pubbliċi maħsuba biex irawmu l-innovazzjoni huwa żgħir wisq. Il-KESE għalhekk jappella lill-Istati Membri biex iżidu b'mod sinifikanti l-użu ta' akkwist prekummerċjali, li l-Kummissjoni tistma li jwassal biex is-suq tal-akkwist jikber b'EUR 10 biljun. B'rabta ma' dan, il-Kumitat jiġbed ukoll l-attenzjoni dwar il-proposti tal-Parlament Ewropew għall-immodernizzar tal-akkwist pubbliku (14). Għandu jsir użu akbar tal-akkwist pubbliku kofinanzjat mill-Fondi Strutturali biex b'hekk tiżdied id-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi.

3.13

Żona Ewropea tar-Riċerka li tiffunzjona, li hija sinonima mas-suq uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni, hija waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin biex il-kunċett tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jitwettaq fil-prattika. Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-2014 bħala skadenza għall-ikkompletar tagħha (15). Dan ifisser li sa dak iż-żmien l-ostakli ewlenin kollha għall-mobbiltà u l-kooperazzjoni transkonfinali għandhom jitneħħew, inklużi permezz ta' suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi, it-twaqqif ta' fondi addizzjonali tal-pensjonijiet, fluss ottimu tal-għarfien u r-riżultati tar-riċerka, u aktar użu kompetittiv tar-riżorsi tar-riċerka nazzjonali. Il-KESE elabora fehmietu dwar l-ikkompletar taż-Żona Ewropea tar-Riċerka f'aktar dettall f'Opinjoni (16), fejn wera t-tħassib tiegħu li l-2014 huwa skadenza ambizzjuża wisq.

3.14

Il-prijorità biex l-innovazzjoni tiġi finanzjata u titħeġġeġ għandha tingħata fil-programm ta' fondi tal-UE kollha, inklużi l-fondi ta' koeżjoni, u mhux biss fi ħdan il-programm ta' kompetittività u innovazzjoni. Għaldaqstant, il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joffri r-Regolament il-ġdid dwar il-Fondi Strutturali (17).

3.15

Biex l-Unjoni tal-Innovazzjoni tiffunzjona tajjeb, huma meħtieġa sforzi kontinwi u kooperazzjoni effettiva fil-livelli kollha – UE, nazzjonali u lokali. Tinħtieġ enfasi akbar fuq ir-rwol tal-politika ta' innovazzjoni reġjonali, li tkun tista' tagħti kontribut sinifikanti biex twaqqaf l-eżodu ta' mħuħ minn dawk ir-reġjuni li fihom hemm żoni li ftit għandhom kapaċità li jwaqqfu ċentri Ewropej tar-riċerka.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fil-fehma tal-KESE, it-twettiq tal-34 impenn fl-inizjattiva ewlenija huwa biss l-ewwel pass biex tinkiseb Unjoni tal-Innovazzjoni ġenwina. Jekk irridu nagħtu kontribut sostanzjali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, se jkun meħtieġ it-tisħiħ fil-fażi li jmiss, li jfisser ħafna aktar integrazzjoni u koordinazzjoni tal-politika nazzjonali għal riċerka u innovazzjoni mal-politiki u l-attivitajiet tal-UE. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tħejji mingħajr dewmien, lista ta' miżuri u oqsma speċifiċi fejn it-tisħiħ mhuwiex biss possibbli iżda neċessarju.

4.2

Il-KESE jqis li għad hemm ħafna x'jista' jissaħħaħ f'diversi oqsma, li minnhom jixtieq isemmi għadd żgħir:

il-promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur pubbliku tista' ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż tal-korpi pubbliċi, u b'hekk tagħti kontribut sinifikanti għall-bilanċ tal-baġits u għall-kompetittività ġenerali tal-Istati Membri;

aktar titjib fl-ambjent tan-negozju għal impriżi innovattivi li qed jikbru malajr, speċjalment permezz ta' miżuri aktar determinati fl-oqsma ta' tassazzjoni, appoġġ lill-impriżi innovattivi li għadhom jibdew (eżenzjonijiet mit-taxxa għal perjodu ta' żmien limitat), armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, eċċ.;

l-innovazzjoni soċjali tista' tindirizza b'suċċesss ħafna mill-isfidi tas-soċjetà moderna u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika;

is-soluzzjonijiet innovattivi fis-settur tas-servizzi jwasslu biex jiftħu opportunitajiet ġodda fil-bejgħ lill-konsumaturi, fil-kummerċ elettroniku, fit-turiżmu, fl-applikazzjonijet tas-softwer, eċċ.

4.3

Il-KESE jappoġġja s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ERIAB, li issa wettaq l-ewwel "test tal-istress" tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (18). F'dan ir-rapport, huwa jesprimi l-bżonn ta' kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-istrateġija għat-tkabbir futur Ewropew, mibnija aktar fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Fost l-isfidi ewlenin, dan isemmi:

impenn politiku dgħajjef mill-Istati Membri lejn l-Unjoni tal-Innovazzjoni;

mudelli tan-negozju li huma tradizzjonali u li m'għadhomx rilevanti;

nuqqas ta' rabta bejn il-kisbiet akkademiċi-xjentifiċi tal-aqwa livell u r-riżultati reali f'termini ta' innovazzjoni msejsa fuq it-teknoloġija;

teħid ta' deċiżjonijiet li jsir bil-mod u avversità għar-riskji marbuta mal-innovazzjoni.

4.4

Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni sabiex tirrifletti daqsxejn dwar strumenti speċifiċi mmirati biex jippromovu l-iżvilupp ta' mudelli ġodda u innovattivi għan-negozju. Idea waħda tista' tkun l-hekk imsejħa "vouchers tal-innovazzjoni".

4.5

Il-KESE kien mistieden fl-inizjattivi ewlenin biex jinkoraġġixxi lin-negozji, lill-imsieħba soċjali u lill-NGOs li jirrappreżenta sabiex jappoġġjaw l-Unjoni tal-Innovazzjoni u jgħinu fit-tixrid tal-aħjar prattiki. Nipproponu li l-Kumitat, partikolarment permezz tal-Kumitat ta' Tmexxija Ewropa 2020, ifassal lista konkreta ta' inizjattivi u attivitajiet li bihom, permezz tal-imsieħba soċjali, tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u ta' organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, ikun jista' jagħti kontribut akbar minn dak li ta s'issa biex tissaħħaħ il-fiduċja fl-Unjoni tal-Innovazzjoni.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni: "Stress-test" of the Innovation Union ("Test tal-istress" tal-Unjoni tal-Innovazzjoni), Novembru 2012

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012) 392 final - Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir

(3)  L-Ewropa se jkollha bżonn mill-inqas miljun riċerkaturi u inġiniera ġodda sal-2020 jekk trid li tilħaq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(4)  Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2013.

(5)  COM(2013) 149 final, 21.3.2013.

(6)  Ċerti atti leġislattivi dwar it-titjib tal-ambjent għall-innovazzjoni (id-direttiva dwar il-proprjetà intellettwali, il-privattiva Ewropea, il-passaport tal-kapital ta' riskju, eċċ) għadhom ma daħlux fis-seħħ fl-intier tagħhom.

(7)  Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka.

(8)  Ara r-rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-ESFRI (mhux disponibbli bil-Malti), Novembru 2012

(9)  Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-produttività u s-sostenibbiltà fil-qasam agrikolu, Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar bliet u komunitajiet intelliġenti, Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-ilma, Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-materja prima.

(10)  Ara l-Opinjonijiet ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39 (point 3.10.4); ĠU C 229, 31.7.2012, p. 39; ĠU C 354, 28.12.2010, p. 80.

(11)  Ara l-Opinjoni "L-Att dwar is-Suq Uniku - identifikazzjoni ta’ miżuri li huma nieqsa". (Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).

(12)  Ara l-Opinjoni ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8, punti 1.2 u 3.2.4.

(13)  Is-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta madwar 17 % tal-PDG Ewropew.

(14)  Rapport tal-Kumitat IMCO u Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-akkwist prekummerċjali.

(15)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2011 u ta' Marzu 2012.

(16)  ĠU C 76, 14.3.2013, p. 31.

(17)  Artikolu 9 tar-Regolament tal-FSE.

(18)  Bord taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-ewwel Dokument ta' pożizzjoni: "Stress-test" of the Innovation Union ("Test tal-istress" tal-Unjoni tal-Innovazzjoni), Novembru 2012.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi”

COM(2013) 266 final — 2013/0139 (COD)

2013/C 341/09

Relatur: is-Sinjura MADER

Nhar is-7 ta’ Ġunju 2013 u nhar it-23 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi

COM(2013) 266 final – 2013/139 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’163 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tiżgura li kull ċittadin Ewropew ikollu aċċess għal kont bankarju u li ttejjeb il-komparabbiltà tat-tariffi u l-mobbiltà, biex tingħeleb l-esklużjoni finanzjarja u tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq intern.

1.2

Huwa jqis li l-adozzjoni ta' direttiva hija l-mezz l-aktar adegwat biex dawn il-miżuri jkunu effettivi, li jibbenefikaw kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas. Dawn il-miżuri ser jikkontribwixxu għat-tlestija tas-suq uniku fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u ser jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital. Madankollu, l-eżerċizzju ta' dan id-dritt irid jobdi r-regoli tal-Unjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u ma jridx jiffavorixxi l-evażjoni tat-taxxi. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li għandha tingħata l-ikbar attenzjoni lill-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.3

Il-KESE jiddispjaċih li hemm limitu għall-ambitu ta' ċerti miżuri. Huwa jixtieq li l-armonizzazzjoni tat-terminoloġija tkopri t-tariffi kollha u li d-dokument ta' informazzjoni ma jkunx fih biss il-lista tal-operazzjonijiet l-aktar komuni. Huwa jemmen li kull konsumatur għandu bżonnijiet differenti, u għaldaqstant huwa biss jekk jitqabblu t-tariffi applikabbli għall-operazzjonijiet komuni kollha li dan jista' jasal għal għażla tajba.

1.4

Huwa japprova d-dispożizzjonijiet maħsubin għat-titjib tat-trasparenza, speċjalment dwar l-offerti f'pakkett, peress li l-konsumaturi jridu jkunu kapaċi jqabblu l-offerti differenti proposti mill-fornituri ta' servizzi tal-ħlas u jiddeterminaw liema offerta hija l-aktar vantaġġjuża u adattata għas-sitwazzjoni tagħhom.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta' obbligu tal-għoti ta' “dikjarazzjoni tat-tariffi” u jixtieq li din id-dispożizzjoni tkun marbuta mal-obbligu li l-konsumaturi jiġu infurmati minn qabel li jkunu se jinġibdu tariffi mhux tas-soltu mill-kont tagħhom, b'mod li dawn ikollhom il-possibbiltà jieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn jew jikkontestaw dawn it-tariffi.

1.6

Għall-finijiet ta' trasparenza wkoll, il-Kumitat jaqbel li jinħolqu komparaturi indipendenti u jixtieq li permezz tar-reġistru li jiġbor fih is-siti eżistenti, il-konsumaturi jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-istabbilimenti li jinsabu fl-Istati Membri kollha.

1.7

Il-KESE jaqbel ukoll mal-proposti dwar il-mobbiltà bankarja. Madankollu huwa jqis li l-fattibbiltà ta' kont “mobbli” trid tiġi studjata u li għandha tiġi stabbilita b'mod sistematiku sistema ta' direzzjonar mill-ġdid awtomatiku tal-operazzjonijiet (1). Qabel ma jittieħdu dawn il-miżuri għandu jsir studju indipendenti tagħhom.

1.8

Barra minn hekk, huwa jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tat-taħriġ tal-persunal tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, peress li l-informazzjoni hija indispensabbli iżda mhux biżżejjed. Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' edukazzjoni finanzjarja, ipprovduta minn assoċjazzjonijiet indipendenti tal-konsumaturi (2).

1.9

Il-KESE jappoġġja bi ħġaru d-dispożizzjonijiet maħsubin biex kull ċittadin Ewropew ikun jista' jkollu kont bankarju b'karatteristiċi bażiċi, peress li l-inklużjoni bankarja hija neċessità fid-dinja tal-lum.

1.10

Huwa għandu r-riżervi tiegħu dwar il-limitu għal “mill-inqas fornitur wieħed ta' servizz tal-ħlas” f'kull Stat Membru, li fil-fatt jista' jeqred kull għażla għall-konsumaturi, minħabba li ma jkun hemm l-ebda għażla oħra disponibbli.

1.11

Huwa jqis li għandhom jiġu kkunsidrati t-tariffi reali biex jiġi definit kemm huma “raġonevoli” t-tariffi assoċjati, f'każijiet fejn l-offerta marbuta mas-sjieda u l-ġestjoni tal-kont ma tkunx b'xejn, u jenfasizza n-neċessità li jiġu limitati t-tariffi ta' meta jkun hemm ħlasijiet li ma jsegwux mir-regoli.

1.12

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti kontrolli u sanzjonijiet dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet previsti fid-direttiva ma jiġux rispettati. Huwa jisħaq li l-effikaċja tal-kontrolli tiddependi fuq l-għoti ta' riżorsi adatti għall-missjonijiet li jridu jitwettqu.

1.13

Huwa jfakkar li huwa favorevoli għas-sistemi tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim bil-kundizzjoni li dawn ikunu indipendenti.

2.   Kuntest

2.1

Fit-8 ta' Mejju 2013, il-Kumissjoni ppreżentat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi.

2.2

Din il-proposta hija waħda minn sensiela ta' inizjattivi li ttieħdu f'dawn l-aħħar snin biex titkompla t-tlestija tas-suq uniku tas-servizzi tal-ħlas, li hija ta' importanza enormi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-Ewropa.

2.3

Il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li għandu l-għan li jeqred l-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

2.4

Il-Kummissjoni tinnota li skont l-istima tal-Bank Dinji hemm 58 miljun konsumatur tal-Unjoni Ewropea li m'għandux kont bankarju meta madwar 25 miljun minnhom jixtiequ jiftħu wieħed.

2.5

Hija tinnota li l-ekonomija miexja lejn żieda fit-tranżazzjonijiet mingħajr użu ta' flus kontanti u pagamenti dematerjalizzati mill-kumpaniji, il-konsumaturi u l-gvernijiet, iżda ma tipproponi l-ebda miżura għal użu aktar wiesa' ta' tranżazzjonijiet mhux monetarji.

2.6

F'dan il-kuntest, hija temmen li s-sjieda ta' kont bankarju u ta' aċċess għal servizzi finanzjarji huma indispensabbli jekk irridu niżguraw li l-konsumaturi jibbenefikaw mill-vantaġġi kollha tas-suq uniku u li jiġu inklużi finanzjarjament u soċjalment.

2.7

Hija tinnota wkoll li l-kundizzjonijiet attwali tas-suq uniku jistgħu jżommu lura lil ċerti fornituri tas-servizzi tal-ħlas milli jinvestu fi swieq ġodda.

2.8

Il-Kummissjoni tixtieq tneħħi dawn l-ostakli, u biex tilħaq dan l-għan qed tipproponi:

li l-konsumaturi kollha jkun jista' jkollhom kont tal-ħlasijiet b'karatteristiċi bażiċi fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea, tkun xi tkun is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom,

li jiġu adottati dispożizzjonijiet maħsubin li jtejbu l-informazzjoni dwar it-tariffi bankarji u li jiffavorixxu l-komparabbiltà, u

li f'kull Stat Membru jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiffaċilita l-mobbiltà bankarja.

2.9

Skont il-Kummissjoni, dawn il-miżuri ser jikkontribwixxu biex is-suq intern ikun operattiv b'mod sħiħ fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u biex dan jiżviluppa. Il-konsumaturi ser ikunu jistgħu jqabblu b'mod aktar faċli l-offerti fl-Unjoni Ewropea u jiċċaqilqu fi ħdanha. Il-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet ser jitqiegħdu fuq l-istess livell u ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-armonizzazzjoni tar-regoli biex jirriċerkaw swieq ġodda.

3.   Analiżi tal-Proposta għal Direttiva

3.1

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-ostakli li jeżistu u dwar il-ħtieġa li jitlesta s-suq uniku tas-servizzi finanzjarji. Huwa jemmen li kull konsumatur għandu jkun jista' jiftaħ kont bankarju u jkollu l-mezzi li jużah, peress li hemm bżonn tal-inklużjoni bankarja biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

3.2

Barra minn hekk huwa jappoġġja l-proposti maħsubin biex l-informazzjoni dwar it-tariffi bankarji tkun aktar ċara u biex itejbu l-mobbiltà. Huwa jemmen li dawn għandhom jgħinu biex il-konsumaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet jibbenefikaw mill-kompetizzjoni.

3.3

Jemmen ukoll li l-adozzjoni ta' direttiva hija l-metodu l-aktar adegwat, peress li, bir-raġun, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rakkomandazzjoni ma kellhiex l-effett mistenni u li l-miżuri volontarji żgur li ma kinux biżżejjed.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Il-komparabbiltà tat-tariffi marbutin mal-kontijiet tal-ħlas

4.1.1

Terminoloġija. Il-KESE japprova għalkollox il-proposta tal-Kummissjoni li tarmonizza t-terminoloġija użata għat-tariffi. Din l-armonizzazzjoni hija indispensabbli biex il-konsumaturi jifhmu aktar u jkunu jistgħu jqabblu. Madankollu huwa għandu d-dubji dwar il-limitu tal-ambitu tal-miżura u jixtieq li l-armonizzazzjoni tat-terminoloġija tkopri t-tariffi kollha.

4.1.1.1

Huwa jinnota li l-awtoritajiet kompetenti mwaqqfa f'kull Stat Membru ser ikunu responsabbli milli jistabbilixxu l-listi provviżorji li ser jintbagħtu lill-Kummissjoni. Huwa jqis li fit-tfassil ta' dawn il-listi hemm bżonn jiġu involuti l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas, iżda wkoll il-konsumaturi sabiex jiġi verifikat li t-termini jinftiehmu tassew minn kulħadd.

4.1.1.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-terminu li ser jintuża jrid ikopri servizzi identiċi f'kull stabbiliment.

4.1.2

Dokumentazzjoni dwar it-tariffi u glossarju Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-obbligu li, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas iridu jipprovdu dokument ta' informazzjoni dwar it-tariffi li jkun fih lista tal-aktar servizzi rappreżentattivi, u japprova d-dispożizzjoni li tippermetti aċċess b'xejn u f'kull ħin għal dan id-dokument, speċjalment billi dan jiġi ppubblikat fuq is-siti tal-internet tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Huwa jissuġġerixxi li l-preżentazzjoni tal-lista tkun armonizzata. Barra minn hekk, huwa jipproponi li dan id-dokument ta' informazzjoni jkun akkumpanjat b'obbligu li l-konsumaturi jiġi pprovduti b'dokument ġdid ta' informazzjoni malli jkun hemm tibdil fit-tariffi.

4.1.2.1

Madanakollu huwa jemmen li d-dokument ta' informazzjoni għandu jkopri t-tariffi kollha. Iqis li l-limitu għat-tariffi l-aktar rappreżentattivi biss ma jippermettix lill-konsumaturi jqabblu b'mod effikaċi l-offerti tal-istabbilimenti differenti, abbażi tal-ħtiġijiet tagħhom. Kull konsumatur għandu ħtiġijiet partikolari li mhumiex neċessarjament dawk li jidhru fil-lista.

4.1.2.2

Jekk it-tariffi kollha jiġu inklużi fid-dokument, il-Kumitat jixtieq jara armonizzazzjoni tal-preżentazzjoni tat-taqsimiet kollha tad-dokument ta' informazzjoni. Barra minn hekk, jirrakkomanda armonizzazzjoni tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni skont it-tip ta' operazzjoni (skont ix-xahar, is-sena, l-operazzjoni) biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil.

4.1.2.3

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-obbligu li jiġu pprovduti dettalji dwar dawn is-servizzi fid-dokument ta' informazzjoni għall-finijiet tat-trasparenza u billi jemmen li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jevalwaw jekk jixtiequx jabbonaw għal pakkett ta' servizzi finanzjarji skont il-ħtiġijiet tagħhom.

4.1.2.4

Huwa jilqa' wkoll l-obbligu li tintuża terminoloġija armonizzata fid-dokument ta' informazzjoni u fir-rendikont tal-bank b'mod li jkunu jistgħu jinqraw faċilment.

4.1.2.5

Fl-aħħar, il-KESE jinnota d-disponibbiltà tal-glossarji. Madankollu, huwa jqis li l-prijorità għandha tkun li fid-dokumenti ta' informazzjoni jintużaw termini ċari u li jinftiehmu.

4.1.3

Dikjarazzjoni tat-tariffi Il-KESE jaqbel mal-obbligu li l-konsumaturi jiġu infurmati tal-inqas darba fis-sena b'dikjarazzjoni tat-tariffi kollha li jkunu ġew iċċarġjati. Permezz ta' din l-informazzjoni, il-konsumaturi jkunu jistgħu jkejlu t-tariffi tal-provvediment tas-servizzi li jkunu ġew mibjugħa lilhom u jagħżlu l-prodotti adegwati. Huwa jqis li dan huwa biss il-minimu u li dan ir-rendikont għandu jingħata b'xejn.

4.1.3.1

Madankollu, il-Kumitat jisħaq fuq il-fatt li jkun interessanti li din il-miżura tiġi kompletata b'obbligu li l-konsumaturi jiġu mgħarrfa dwar it-tariffi qabel ma jitnaqqsulhom tariffi mhux normali mill-kont mill-fornitur tas-servizzi tal-ħlas, għax b'hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji qabel jitnaqqsulhom il-flus, li jaraw li għandhom il-flus fil-kont jew, jekk ikun hemm bżonn, li jikkontestawhom.

4.1.4

Siti tal-internet għat-tqabbil Il-KESE jaqbel li l-informazzjoni dwar it-tariffi bankarji tiġi ppubblikata fuq siti tal-internet nazzjonali jew pubbliċi awtorizzati. Din il-miżura għandha tikkontribwixxi biex il-konsumaturi jkunu infurmati aħjar, bil-kundizzjoni li s-sit li jqabbel jagħti garanziji ta' indipendenza u li jagħti tagħrif komplut. Il-Kumitat jemmen li għandha tingħata attenzjoni għall-mod kif jiġu ffinanzjati dawn is-siti. Barra minn hekk, huwa jistaqsi dwar il-mod kif se jiġu implimentati dawn l-għodod, speċjalment dwar in-natura tad-data li ser tingħata, pereżempju, jekk hux ser jintwerew biss il-prezzijiet għal kull unità tal-operazzjonijiet u s-servizzi jew jekk hux ser ikun hemm il-possibbiltà li jsiru l-kalkoli skont profil personalizzat.

4.1.4.1

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jridu jiġu monitorjati b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-akkreditazzjoni tal-operaturi privati. Huwa jemmen li dawn l-akkreditazzjonijiet għandhom jingħataw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.1.4.2

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li huwa indispensabbli li t-termini użati mis-sit li jqabbel ikunu l-istess bħal dawn tat-terminoloġija armonizzata.

4.1.4.3

Fl-aħħarnett, il-Kumitat jirrakkomanda li r-reġistru jkollu lista jew links għar-reġistri tal-Istati Membri l-oħra sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess faċli għat-tariffi tal-istabbilimenti finanzjarji kollha preżenti fl-Unjoni, li ser ikun utli speċjalment għall-popolazzjonijiet “migranti”.

4.2   Bdil tal-kont

4.2.1

Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni li ser jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà bankarja, li hija indispensabbli fid-dawl tal-ostakli psikoloġiċi u tekniċi għall-mobbiltà.

4.2.2

Madankollu huwa jqis li għandu jsir studju indipendenti dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit numru tal-kont mobbli, li hija s-soluzzjoni l-aktar effikaċi biex il-mobbiltà tkun operattiva b'mod sħiħ.

4.2.3

Huwa jemmen li l-istabbilimenti tal-ħlasijiet kollha għandhom tal-inqas iwaqqfu sistema awtomatika ta' direzzjonament mill-ġdid għal 15-il xahar biex jitqiesu t-tranżazzjonijiet annwali.

4.2.4

Il-Kumitat jinsab ferħan li l-Kummissjoni ser tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-iċċarġjar ta' tariffi għas-servizz tal-bdil ta' kont sabiex dawn it-tariffi ma jkunux ta' deterrent.

4.2.5

Huwa jenfasizza li għad fadal ostakli oħra, speċjalment l-ispejjeż għat-trasferiment ta' ċerti prodotti ta' tfaddil jew meta jiġu missellfa l-flus.

4.2.6

Huwa jqis li l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta' dawn l-arranġameni ta' għajnuna għall-mobbiltà hija determinanti. Huwa jemmen li l-konsumatur għandu jkollu jikkomunika biss mal-bank il-ġdid magħżul.

4.2.7

Huwa jqis li l-persunal tal-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet, speċjalment il-persunal li jilqa' lin-nies fl-aġenziji, għandu jitħarreġ biex jipprovdi għajnuna dwar il-mobbiltà bankarja u li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi b'mod partikolari għandhom jipprovdu edukazzjoni finanzjarja.

4.3   Aċċess għal kont tal-ħlasijiet

4.3.1

Il-KESE ma jistax ma jappoġġjax l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Huwa jqis li kull konsumatur għandu jkollu aċċess għal kont bankarju mogħni b'servizzi bażiċi, sabiex ikollu aċċess għas-servizzi bankarji neċessarji fil-ħajja ta' kuljum fejn id-dematerjalizzazzjoni qiegħda kull ma jmur dejjem tiżdied. Huwa jenfasizza l-importanza li l-banek jinfurmaw bl-eżistenza ta' dan is-servizz.

4.3.2

Min-naħa l-oħra huwa għandu d-dubji dwar il-limitu ta' “mill-inqas fornitur wieħed ta' servizz tal-ħlas” fit-territorju ta' kull Stat Membru. F'każ li jkun hemm stabbiliment finanzjarju wieħed biss li joffri dan is-servizz, dan jerfa' fuqu piż tqil u jpoġġi stigma kemm fuqu kif ukoll fuq il-konsumaturi tiegħu. Barra minn hekk, l-assenza ta' kompetizzjoni tneħħi kull għażla għall-konsumaturi u tobbligahom jaċċettaw il-kundizzjonijiet offruti lilhom, speċjalment dawk tat-tariffi.

4.3.3

Huwa jemmen li l-lista tas-servizzi bażiċi mniżżla fl-Artikolu 16 għandha tkun il-minimu, u kull Stat Membru għandu jkun jista' jinkludi servizzi supplimentari, b'mod partikolari servizzi marbutin ma' ħtiġijiet nazzjonali speċifiċi.

4.3.4

Il-Kumitat jemmen li għandu jkun f'idejn il-banek li jiddeċiedu joffrux faċilità adegwata ta' overdraft jew le.

4.3.5

Il-Kumitat jaqbel li dan is-servizz bażiku jkun b'xejn jew b'tariffi baxxi.

4.4   Awtoritajiet kompetenti, riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, sanzjonijiet

4.4.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn jitwaqqfu kontrolli u sanzjonijiet dissważivi f'każ li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma jiġux rispettati, u jenfasizza li l-effikaċja tal-kontrolli ser tiġi żgurata biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ir-riżorsi adegwati għall-missjonijiet li jiġu fdati.

4.4.2

Huwa jfakkar li huwa favorevoli għas-sistemi tar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim bil-kundizzjoni li dawn ikunu indipendenti.

4.5   Dispożizzjonijiet finali

4.5.1

Il-KESE japprova d-delegazzjoni tas-setgħat lill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li l-arranġamenti jkunu definiti b'mod ċar u li tiġi żgurata t-trasparenza.

4.5.2

Huwa jappoġġja l-politika ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 1.

(2)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq”

COM(2013) 288 final — 2013/0150 (COD)

2013/C 341/10

Relatur uniku: is-Sur NARRO

Nhar it-23 ta' Mejju 2013 u nhar is-6 ta' Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq

COM(2013) 288 final – 2013/0150 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Lulju 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'154 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tikkontribwixxi biex ittejjeb b'mod sostanzjali l-applikazzjoni prattika, sa mill-1 ta' Settembru 2013, tar-Regolament il-ġdid dwar il-Prodotti Bijoċidali, tiċċara l-funzjonament tar-regoli tranżizzjonali u tipprovdi ċertezza legali ikbar lill-operaturi.

1.2

Il-KESE jiddispjaċih li, matul il-proċess twil u kumpless tal-adozzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea l-ġdida dwar il-prodotti bijoċidali, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament ma analizzawx ex ante d-distorsjonijiet li jistgħu joħolqu regoli tranżizzjonali konfużi u mhux ċari.

1.3

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li jkun hemm tibdil fir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali qabel ma jidħol fis-seħħ (1), sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mid-Direttiva 98/8/KE għar-Regolament inkwistjoni. Sabiex jiġi żgurat li s-sistema taħdem kif suppost, huwa fundamentali qafas koerenti ta' miżuri tranżizzjonali li jagħmluha possibli li s-sistema tinbidel gradwalment għall-operaturi u l-Istati Membri.

1.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon it-tibdil fil-miżuri tranżizzjonali fir-rigward tal-oġġetti ttrattati u l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi u l-prodotti bijoċidali eżistenti. Dan it-tibdil ser jimpedixxi l-iffriżar de facto tal-introduzzjoni fis-suq ta' bosta oġġetti ttrattati ġodda, sabiex jitħallew ikunu fis-suq bil-kundizzjoni li sal-1 ta' Settembru 2016 jitressaq dossier komplut għall-valutazzjoni tas-sustanza attiva jew sustanzi attivi li jinsabu f'dawn l-oġġetti ttrattati (2). Dan it-tibdil ser jippermetti wkoll tranżizzjoni aħjar għas-sistema armonizzata ta' aworizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali eżistenti (3).

1.5

Rigward id-dispożizzjoni innovattiva dwar l-iskambju obbligatorju tal-istudji dwar id-destin u l-imġiba ambjentali relatati mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-obbligu l-ġdid la joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u lanqas ma jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità għall-innovazzjoni ta' ċerti impriżi.

1.6

Il-KESE jaqbel li jiġu indirizzati kwistjonijiet importanti oħra fil-kuntest ta' din l-emenda leġislattiva, pereżempju dawk relatati mal-aċċess għall-informazzjoni, id-definizzjoni tal-prodotti tal-familja tal-prodotti bijoċidali u l-obbligu li jsir skambju tad-data.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-terminu "bijoċidi" jirreferi għas-sustanzi attivi jew it-taħlitiet li jkun fihom sustanza attiva waħda jew aktar, ippreżentati fl-għamla li fiha jiġu forniti lill-utent, maħsuba sabiex jeqirdu jew jiskoraġġixxu l-organiżmi ta’ ħsara, sabiex jibdluhom f’organiżmi li ma jagħmlux ħsara, sabiex jipprevjenu l-azzjoni tagħhom jew sabiex jiġġilduhom permezz ta’ azzjoni kimika jew bijoloġika. Is-sustanzi, it-taħlitiet u l-apparati kollha mqiegħda fis-suq bil-ħsieb li jiġġeneraw sustanzi attivi għandhom ukoll jitqiesu bħala prodotti bijoċidali (4); Il-prodotti bijoċidali jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kuljum. Huma jipprevjenu t-tixrid tal-mard u jippromovu livell għoli ta’ iġjene f’ambjenti b’densità għolja ta’ popolazzjoni.

2.2

Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxiet regoli dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali fi ħdan il-Komunità (5). Din id-Direttiva tarmonizza fil-livell Ewropew il-leġislazzjoni dwar dawn il-prodotti, billi tistabbilixxi prinċipji komuni għall-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali, u b'hekk timpedixxi l-ostakli ekonomiċi/amministrattivi.

2.3

Fis-16 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ressqet Proposta ġdida li temenda r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali fir-rigward ta’ ċerti kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq (6). L-hekk imsejjaħ "Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali" ġie approvat fit-22 ta' Mejju 2012 (7), u huwa previst li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013. Il-leġislazzjoni l-ġdida timplika deroga tad-Direttiva 98/8/KE u hija l-frott ta' konsultazzjoni pubblika intensiva u ta' valutazzjoni tal-impatt dettaljata min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea (8).

2.4

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-moviment liberu tal-prodotti bijoċidali fl-Unjoni waqt li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent. Ir-Regolament, li jżomm l-istruttura tad-Direttiva 98/8/KE, jissejjes fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni bil-għan li jiżgura li l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali ma jagħmlux ħsara lis-saħħa u l-ambjent.

2.5

Din il-leġislazzjoni għandha l-għan li timla l-lakuni identifikati fil-qafas leġislattiv preċedenti u trendi dinamiku l-funzjonament tas-sistema tal-awtorizzazzjonijiet permezz tas-semplifikazzjoni, it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ fil-prodotti bijoċidali u l-armonizzazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi.

2.6

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq emenda formali, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, għar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali Nru 528/2012, wara li sabet li ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament jistgħu jwasslu għal distorsjoni fil-funzjonament tiegħu. L-iskop ta' din l-emenda huwa:

li jiġi evitat li r-regoli tranżizzjonali tar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali jinvolvu, fil-prattika, l-iffriżar mhux intenzjonat tas-suq għal perjodu ta' ħdax-il sena tal-oġġetti ttrattati bi prodotti bijoċidali li huma legali fis-suq tal-UE, iżda li għadhom ma ġewx ivvalutati fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

li jiġu eliminati l-ostakli kummerċjali mhux intenzjonati li, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tar-Regolament, jistgħu jagħmlu ħsara lil ċerti operaturi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fl-2010, il-KESE adotta Opinjoni dwar ir-Regolament Nru 528/2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (9). Il-Kumitat wera l-appoġġ tiegħu li d-Direttiva tinbidel f'Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali bil-għan li tiġi ssemplifikata u armonizzata l-leġislazzjoni.

3.2

Minkejja l-valutazzjoni tal-impatt, il-konsultazzjoni pubblika u r-rapporti differenti mħejjija fil-kuntest tal-approvazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, il-kritika tal-fornituri – l-iżjed dawk żgħar u ta' daqs medju – dwar il-possibbiltà li jkun hemm restrizzjonijiet u fallimenti sostanzjali fis-suq minħabba l-implimentazzjoni tar-Regolament, tiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea rreaġixxiet b'mod urġenti billi ressqet sensiela ta' emendi li jneħħu l-effetti ħżiena tal-ostakli kummerċjali li tista' toħloq il-leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-prodotti bijoċidali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali.

3.3

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni emendat ċerti artikoli bil-għan li tiffaċilita l-applikazzjoni iżjed razzjonali tal-leġislazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, ladarba tnediet il-proċedura għar-reviżjoni tar-Regolament, ċerti lakuni fil-leġislazzjoni oriġinali relatati mal-aċċess għall-informazzjoni, l-obbligu li jsir skambju tad-data u d-definizzjoni tal-prodotti bijoċidali jmisshom ġew ittrattati b'mod usa' u aktar sistematiku.

3.4

L-emendi għar-regoli tranżizzjonali, l-iżjed fl-Artikoli 86, 89 u 94 tar-Regolament Nru 528/2012, ser jimpedixxu l-ipparalizzar tas-suq ta' ċerti sustanzi attivi jew il-projbizzjoni de facto tal-oġġetti ttrattati l-ġodda, bejn l-1 ta' Settembru 2013 u l-awtorizzazzjoni tal-aħħar sustanza attiva elenkata fl-artikoli. Fil-fehma tal-KESE, dan it-tibdil fir-regoli tranżizzjonali jagħmel tajjeb għall-ħsarat kollaterali sostanzjali li kienet iġġib magħha l-formulazzjoni oriġinali tal-artikoli msemmija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-Artikolu 89(4) u l-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 jipprovdu perjodi ta’ eliminazzjoni gradwali għall-prodotti bijoċidali li għalihom ma ngħatat l-ebda awtorizzazzjoni. It-test il-ġdid jipproponi li l-istess perjodi għandhom japplikaw għall-prodotti bijoċidali li diġà qegħdin fis-suq fil-każ li tingħata awtorizzazzjoni iżda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jkunu jeħtieġu li l-prodott jinbidel. Il-KESE huwa tal-fehma li, f'każ bħal dan, għandu jkun hemm deroga mir-regola ġenerali fir-rigward tal-perjodi f'każ li ma tintlaqax talba. Il-KESE jissuġġerixxi li meta prodott jiġi approvat bil-kundizzjoni li jkun hemm it-tibdil, għandu jingħata perjodu itwal sabiex ikun jista' jintuża u jkun disponibbli fis-suq sakemm ikun eżawrit.

4.2

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tiżgura li l-lista li tippubblika (Artikolu 95) tiġbor fiha biss informazzjoni dwar il-fornituri korrispondenti li jappoġġjaw it-tiġdid ta' sustanza attiva speċifika.

4.3

Rigward l-aċċess għall-informazzjoni b'konformità mal-Artikolu 66(3), il-KESE huwa tal-fehma li għandu jinstab bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali u l-interessi individwali leġittimi. L-għoti awtomatiku u sistematiku ta' informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tal-manifattur ta' sustanza attiva lil kwalunkwe parti terza li titlobha jista' jdgħajjef il-protezzjoni tal-interess kummerċjali tad-detentur tal-awtorizzazzjoni.

4.4

Fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-obbligu li jsir skambju tad-data dwar l-ittestjar fuq l-annimali. Fil-fatt, wieħed mill-iżjed aspetti pożittivi tar-regolament il-ġdid huwa li jevita t-tbatija bla bżonn tal-vertebrati minħabba r-repetizzjoni kontinwa tal-istudji tossikoloġiċi. Taħt kwalunkwe ċirkustanza, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-obbligu li jsir skambju, minbarra tad-data tossika u ekotossika, anke tad-data dwar l-istudji dwar id-destin jew l-imġiba ambjentali tas-sustanzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, hix waħda bilanċjata u tippromovix l-iżvilupp ta' sustanzi attivi ġodda. Huwa fundamentali li jkun hemm kumpens effettiv u protezzjoni tad-data sal-2025 sabiex jiġi evitat li jsir użu inġust tal-ħidma ta' ħaddieħor.

4.5

Il-KESE jemmen li huwa loġiku li jiġi estiż minn sentejn għal tliet snin il-perjodu li matulu l-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-awtorizzazzjoni ta' prodott bijoċidali ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni li tiġi approvata sustanza attiva konkreta għal tip ta' prodott speċifiku (Artikolu 89, Regolament (UE) Nru 528/2012). Kieku t-tibdil ma sarx, minħabba l-istadji differenti tal-proċess tal-awtorizzazzjoni, kien ikun hemm il-periklu ta' ksur sistematiku tal-perjodi ta' żmien, li jwassal għall-ipparalizzar tal-proċess.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Huwa previst li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2013.

(2)  Artikolu 94, Regolament Nru 528/2012.

(3)  Artikolu 89, Regolament Nru 528/2012.

(4)  Direttiva 98/8/KE.

(5)  ĠU C 123, 24.4.1998.

(6)  COM(2013) 288 final.

(7)  ĠU L 167, 27.6.2012.

(8)  SEC(2009) 773 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 62.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha”

COM(2013) 315 final — 2013/0166 (COD)

u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE”

COM(2013) 316 final — 2013/0165 (COD)

2013/C 341/11

Relatur Ġenerali: is-Sur McDONOGH

Nhar l-1 ta’ Lulju 2013 u nhar il-5 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha

COM(2013) 315 final – 2013/0166 COD.

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2013 u nhar l-1 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

COM(2013) 316 final – 2013/0165 (COD).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru) li jaħtar lis-Sur McDonogh bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jinnota li fl-2012 mietu 28 000 persuna u korrew 1,5 miljun fit-toroq tal-UE. Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li huwa importanti ħafna għas-soċjetà li tnaqqas in-numru ta' mwiet fit-toroq u jilqa' l-għan ambizzjuż tal-Kummissjoni li bejn l-2011 u l-2020 tnaqqas iċ-ċifri għan-nofs tal-livelli tal-2010.

1.2

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tad-Deċiżjoni u r-Regolament tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-eCall biex tiżgura li minn Ottubru 2015 il-mudelli kollha tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief ikollhom l-eCall 112 u li tinħoloq l-infrastruttra li hemm bżonn sabiex iċ-ċentri tas-sejħiet ta' emerġenza (PSAPs – Public Safety Answering Points - Ċentri li jwieġbu għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika) ikunu jistgħu jirċievu u jindirizzaw l-eCalls u b'hekk jiżguraw kompatibbiltà, interoperabbiltà u kontinwità tas-servizz mifrux fl-UE tal-eCall.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt tal-eCall li wrew li l-introduzzjoni obbligatorja tal-eCall kienet l-uniku mod kif jitwasslu l-benefiċċji tal-eCall liċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Kumitat, f'diversi opinjonijiet tiegħu ta l-parir lill-Kummissjoni li approċċ volontarju mhux ser ikollu suċċess.

1.4

Il-KESE jinnota li l-proposti ser japplikaw biss għat-tipi ta' vetturi ġodda li ġew reġistrati fl-1 ta' Ottubru 2015 jew wara u li l-mudelli eżistenti jistgħu jkomplu jiġu manifatturati u mibjugħa mingħajr eCall wara dik id-data. Filwaqt li jifhem l-ispiża finanzjarja possibbli fuq il-manifatturi tal-vetturi, il-Kumitat jitlob lill-fabbrikanti sabiex jinstallaw it-teknoloġija tal-eCall kemm jista' jkun malajr fuq it-tipi eżistenti ta' vetturi li ser jiġu manifatturati wara Ottubru 2015.

1.5

Il-Kumitat jinnota li l-proposti ma jinkludux id-disppożizzjoni tat-teknoloġija tal-eCall fir-rigward tal-muturi u l-vetturi motorizzati b'żewġ roti. Billi r-riskju ta' mewt u inċidenti għax-xufiera u l-passiġġieri ta' dan it-tip ta' vetturi huwa problema sinifikanti, il-KESE jitlob lill-fabbrikanti u l-Istati Membri jestendu s-sistema tal-eCall għall-vetturi motorizzati b'żewġ roti kemm jista' jkun malajr.

1.6

Il-Kumitat jitlob mill-ġdid lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti kemm jista' jkun malajr dwar it-titjib tas-sigurtà attiva u passiva tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti.

1.7

Il-KESE jinsab impressjonat bis-suċċess li kellhom l-awtoritajiet tas-sigurtà fit-triq stabbiliti f'numru ta' Stati Membri sabiex jipprovdu sorveljanza dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija nazzjonali tas-sigurtà fit-triq, saiex jagħtu pariri dwar il-politika tas-sigurtà fit-triq u jippromovu l-aqwa prattiki tas-sigurtà fit-triq. Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi stabbilita Aġenżija Ewropea għas-Sigurtà fit-Triq sabiex tgħin biex tiġi armonizzata u tħeġġeġ l-implimentazzjoni tas-sigurtà fit-triq fl-UE inkluż l-implimentazzjoni tal-eCall. Dan il-korp ikun jinkludi esperti tas-sigurtà fit-triq maħtura mill-Istati Membri.

1.8

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħafna Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1) li ddiskutew is-suġġett tas-sigurtà fit-triq u li kkummentaw dwar il-bżonn tal-introduzzjoni obbligatorja tal-eCall.

2.   Il-kontenut tal-proposti

2.1   eCall

L-eCall hija teknoloġija magħmula biex tibgħat seħjiet ta' emerġenza mill-vettura permezz tan-numru stabbilit fl-UE kollha, il-112, jew awtomatikament fil-każ ta' inċident jew meta tiġi attivata manwalment. Is-sistema tal-eCall iċċempel awtomatikament il-112 - in-numru uniku ta' emerġenza fl-Ewropa - f'każ ta' inċident serju. Hija tikkomunika l-post tal-vettura lis-servizzi ta' emerġenza anki jekk ix-xufier ma jkunx konxju jew ma jkunx jista' jagħmel it-telefonata. Fl-2011 il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 2011/750/UE li tistabbilixxi li l-operaturi tan-netwerk tal-mobile għandhom jiżguraw li n-netwerks tagħhom kapaċi jwettqu l-eCalls.

2.2   Attwalment 0,7 % tal-vetturi biss huma mgħammra bis-sistemi privati tal-eCall u l-ammont ftit li xejn qed jiżdied. Dawn is-sistemi privati ma joffrux interoperabbiltà jew kontinwità mifruxa fl-UE.

2.3   Abbozz ta’ Regolament

L-abbozz ta' Regolament ifittex li joħloq il-ħtiġijiet tal-approvazzjoni tat-tip għat-teknoloġija tal-eCall u jitlob li minn Ottubru 2015 jiġu installatai fil-mudelli l-ġodda tal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief. Il-proposta tistabbilixxi obbligi għall-fabbrikanti u l-Istati Membri, ir-rekwiżiti tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utenti, il-vetturi in kwistjoni u d-data tal-introduzzjoni.

2.4   Abbozz ta’ Deċiżjoni

L-abbozz ta' deċiżjoni jfittex li jiżgura li l-PSAPs kollha huma mitluba jindirizzaw l-eCalls meta dawn jidħlu b'mod awtomatiku jew manwali fil-każ ta' inċident. Il-Kummissjoni tixtieq tiżugra li sal-1 ta' Ottubru 2014 l-eCalls jiġu ġenerati, trażmessi u indirizzati b'mod konsistenti fl-UE.

2.5   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament

Il-Proposta għal Regolament tistabbilixxi r-rekwiżiti legali, fosthom:

2.5.1

Il-fabbrikanti tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief għandhom jiżguraw li dawn il-vetturi jinħadmu u jiġu approvati b'konformità mas-sistemi tal-eCall sa minn Ottubru 2015.

2.5.2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-1 ta' Ottubru 2015, it-tipi ta' vetturi ġodda koperti mill-proposta għal Regolament jirċeivu l-Approvazzjoni tat-Tip ta' Vetturi Sħaħ tal-Komunità Ewropea.

2.5.3

L-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip għandhom jiżguraw li dawn il-vetturi jikkonformaw mal-istandards preskritti qabel ma jinħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip.

2.5.4

Il-fabbrikanti għandhom jiżguraw li t-teknoloġija tal-eCall ma tkunx tippermetti d-detezzjoni konstanti tal-vetturi.

2.5.5

Hemm bżonn ta' salvagwardji suffiċjenti kontra s-sorveljanza u l-utenti għandhom jiġu provduti bl-informazzjoni dwar kif id-data użata mis-sistema ser tiġi proċessata.

2.5.6

Il-Kummissjoni tista' tadotta Atti Delegati sabiex tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi ta' sistemi interni fil-vettura, tiddefinixxi r-rekwiżiti relatati mal-privatezza tal-utenti u abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji, li teżenta ċerti klassijiet ta' vetturi tal-passiġġieri u vetturi ħfief.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jinnota li s-sena l-oħra mietu 28 000 persuna u korrew 1.5 miljun fit-toroq tal-UE. Meta tintalab il-preżenza tas-servizzi ta' emerġenza f'inċident tat-traffiku, kull minuta hija kritika sabiex tiġi salvata ħajja u titnaqqas is-serjetà tal-korrimenti. Madanakollu il-persuni li jkorru f'inċident mhux dejjem ikollhom il-kapaċità fiżika li jċemplu s-servizzi ta' emerġenza.

3.2

It-teknoloġija tal-eCall tindirizza din il-problema billi tinforma s-servizzi ta' emerġenza immedjatament anki jekk ix-xufier jew il-passiġġier ma jkunx konxju jew ma jkunx kapaċi jagħmel it-telefonata. Il-KESE jinnota wkoll li t-teknoloġija eCall mistennija tħaffef il-wasla tal-persunal tal-emerġenza b'madwar 40 % fiż-żonu urbani u 50 % fiż-żoni rurali u li meta tibda tintuża b'mod mifrux, l-eCall ser issalva bosta mijiet ta' ħajjiet fl-Ewropa kull sena u tnaqqas is-serjetà tal-korrimenti u t-trawma f'għexieren ta' eluf ta' każijiet.

3.3

Xi Stati Membri diġà għandhom awtoritajiet tas-sigurtà fit-triq stabbiliti b'mandat nazzjonali li jevalwaw l-istrateġija tas-sigurtà fit-triq u jagħtu pariri lill-gvernijiet dwar l-azzjonijiet prijoritarji. Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fit-Triq b'mandat ċar għall-oqsma kollha tas-sigurta fit-triq (l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti tat-toroq) fl-Unjoni kollha tista' tgħin biex ittejjeb l-implimentazzjoni ta' strateġija tas-sigurtà fit-triq armonizzata fl-UE. Aġenzija bħal din jista' jkollha kompiti speċifiċi f'termini ta' identifikazzjoni, speċifikazzjoni, twaqqif u promozzjoni tal-prattiki tajba kif ukoll it-titjib tal-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-proposta tapplika biss għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ġodda tal-passiġġieri u vetturi ħfief u ma timponix rekwiżit li jiżgura li l-eCall jiġi installat qabel l-ewwel reġistrazzjoni li jfisser li t-tipi eżistenti ta' vetturi bħal dawn jistgħu jkompli jiġu manifatturati u mibjugħa mingħajr l-eCall. Il-Kumitat jinnota li minħabba din il-politika, il-penetrazzjoni sħiħa tas-servizz tal-eCall mhux sa tkun possibbli qabel l-2033. Filwaqt li jifhem il-bżonn li jitqiesu l-impatt finanzjarju u l-problemi possibbli relatati mad-disinn fuq il-manifatturi tal-vetturi, il-Kumitat jitlob lill-fabbrikanti sabiex jinstallaw it-teknoloġija eCall kemm jista' jkun malajr fuq it-tipi eżistenti ta' vetturi li ser jiġu manifatturati wara Ottubru 2015.

4.2

Ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-użu tas-sistema tal-eCall fil-vetturi mhux ser tapplika għall-vetturi motorizzati b'żewġ roti (muturi eċċ.). Il-periklu li s-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi jġarrbu ferita gravi huwa bejn 18 u 20 darba ogħla minn dak tas-sewwieqa tal-karozzi. Hemm bżonn ta' attenzjoni speċjali meta jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà fit-triq għal din il-kategorija ta' vetturi ta' riskju għoli. Barra mill-immuntar tat-teknoloġija tal-eCall, hemm bżonn ta' proposti għat-titjib tas-sigurtà attiva u passiva tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 77, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 71, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27 u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 94.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta' studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing”

COM(2013) 151 final — 2013/0081(COD)

2013/C 341/12

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar is-26 ta' April 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skop ta’ riċerka, studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bi ħlas u bla ħlas, servizz volontarju u au pairing

COM(2013) 151 final – 2013/0081(COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’126 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li jeħtieġ li ż-żewġ direttivi kkonċernati jiġu formulati mill-ġdid bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi u ekonomiċi.

1.2

L-UE teħtieġ minnufih politika ta' migrazzjoni intelliġenti u soda jekk trid li tilħaq l-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin oħra. Jekk l-UE tixtieq tibqa' ċentru tal-innovazzjoni u ċentru industrijali b'saħħtu, jeħtieġ li tiġbed lejha t-talent u tiżgura "ċirkolazzjoni tal-imħuħ" tajba.

1.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li politika għall-promozzjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà għandha tkun ankrata fis-sod fis-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jeħtieġ li l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu applikati fil-livelli kollha.

1.4

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jivvalutaw il-vulnerabbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u biex jipproponu miżuri attivi lill-Istati Membri bil-għan li tinstab soluzzjoni għal dan. Il-każijiet ta' diskriminazzjoni għandhom jiġu miġġielda b'determinazzjoni fil-livelli kollha.

1.5

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa sħubijiet bilaterali għall-mobbiltà b'mod li joffru qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-UE, b'mod partikolari dawk fil-viċinat tagħha.

1.6

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru u jħejju programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tan-nisa.

1.7

Jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa l-ostakli, hi x'inhi n-natura tagħhom, li jxekklu l-proċeduri għall-għoti tal-viża, u li jiġu ddeterminati miżuri bil-għan li dawn jitneħħew. Il-proċess għall-għoti tal-viża għandu jkun sempliċi, adegwat, aċċessibbli u nondiskriminatorju.

1.8

Il-Kumitat josserva kemm huwa importanti l-prinċipju li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod li jiġu ttrattati ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-beni u għas-servizzi.

1.9

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li tingħata protezzjoni simili lill-istudenti, ir-riċerkaturi, il-voluntiera u l-au pairs meta jkunu qed iwettqu xogħol bi ħlas jew ikunu attivi fis-suq tax-xogħol. Dan it-tip ta' xogħol bi ħlas ta' sikwit jostor relazzjonijiet tax-xogħol, u jeħtieġ li jiġu evitati abbużi li sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġġeneraw billi jiġi żgurat trattament ugwali lill-kategoriji kollha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni li jagħmlu xogħol id-dar bħala au pairs, b'mod partikolari n-nisa.

1.10

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-Artikolu 24, li jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom id-dritt li jfittxu impjieg għal perjodu ta’ 12-il xahar wara li jtemmu r-riċerka jew l-istudji tagħhom. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali fid-Direttiva 2011/98 jinkludu derogi li jidhru li jmorru kontra l-għanijiet tal-proposta biex jiġu fformulati mill-ġdid iż-żewġ direttivi.

1.11

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta fattur essenzjali biex jiġi żgurat li din il-politika tirnexxi. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkomunikaw maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jiżguraw l-aċċess tagħhom għal informazzjoni ta' kwalità tajba.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-UE qed tiffaċċja sfidi strutturali kbar, kemm minn perspettiva demografika kif ukoll minn dik ekonomika. Il-popolazzjoni attiva qed tonqos u l-intrapriżi qed isibuha diffiċli jsibu persunal bil-ħiliet adatti.

2.2

L-UE tiddefinixxi l-qafas ġenerali tal-politika tagħha dwar il-migrazzjoni permezz tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità tagħha, li jiddetermina wkoll il-mod li bih l-Unjoni torganizza d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Istati Membri tagħha.

2.3

L-UE qed tiffaċċja wkoll sitwazzjoni urġenti f'dak li jikkonċerna l-innovazzjoni. Fost l-għanijiet tagħhom, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija tagħha "Unjoni tal-Innovazzjoni" insibu ż-żieda fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li, skont stimi li saru, twassal għall-ħolqien ta' miljun impjieg ieħor fil-qasam tar-riċerka. L-immigrazzjoni mill-pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE tista' tfisser għaliha persunal bi kwalifiki għoljin u talenti li kull wieħed mill-Istati Membri jista' u għandu jiġbed lejh.

2.4

L-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jinkariga lill-UE bil-kompitu li tiżviluppa politika komuni tal-immigrazzjoni, bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u trattament ugwali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom residenza regolari fl-Istati Membri tagħha.

2.5

Id-Direttiva 2004/114/KE tistabbilixxi dispożizzjonijiet vinkolanti għall-ammissjoni ta' studenti minn pajjiżi terzi. L-applikazzjoni tagħha għal studenti, voluntiera u persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Id-Direttiva 2005/71/KE tipprevedi proċedura rapida għall-ammissjoni ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw ftehim ta' akkoljenza ma' korp ta' riċerka rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

2.6

Rigward l-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ direttivi, fl-2011, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapporti li wrew li kien fihom sensiela ta' lakuni.

2.7

Il-problema prinċipali ta' dawn iż-żewġ direttivi tittratta l-permessi ta' dħul u residenza fl-UE min-naħa taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (viżi għal permanenza fit-tul, permessi ta' residenza). Id-dispożizzjonijiet legali f'dan il-qasam huma sikwit kumplessi u ftit li xejn ċari, filwaqt li l-proċeduri jdumu wisq u mhux dejjem jiġu applikati b'mod ġust jew koerenti. Ir-regoli attwali dwar l-immigrazzjoni ma jappoġġjawx biżżejjed il-programmi tal-Unjoni li jipprevedu miżuri ta' mobbiltà, bħall-Erasmus Mundus jew Marie Curie.

2.8

Rigward is-suq tax-xogħol, il-gradwati ta' pajjiżi terzi, ladarba jtemmu l-istudji tagħhom, ma jkollhomx biżżejjed opportunitajiet ta' impjieg, u dan jgħodd ukoll għar-riċerkaturi li jkunu lestew il-proġetti ta' riċerka tagħhom. F'ċerti każijiet, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jistgħux jiġu impjegati mill-universitajiet għax huma kkunsidrati bħala parti integrali mis-settur pubbliku. Għandha tingħata prijorità lill-ħidma biex jitħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet xjentifiċi, billi jitneħħew il-forom kollha ta' diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, u ostakli oħra li jxekkluhom milli jkollhom aċċess għal karigi bi kwalifiki għoljin fil-qasam tax-xjenza.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li jeħtieġ li ż-żewġ direttivi kkonċernati jiġu fformulati mill-ġdid.

3.2

Għall-Unjoni Ewropea, il-ftuħ lejn id-dinja esterna jibqa' prijorità, minkejja li huwa diffiċli li dan l-għan jintlaħaq fil-prattika fil-kundizzjonijiet attwali. L-UE għandha tiffaċilita l-mobbiltà u tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-edukazzjoni u r-riċerka, u għas-suq tax-xogħol.

3.3

L-Unjoni Ewropea għandha bżonn approċċ ġdid għall-migrazzjoni ekonomika, li jagħmilha possibbli li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiksbu għarfien u ħiliet. Il-kooperazzjoni ma' dawn l-Istati għandha tinkoraġġixxi ċ-"ċirkolazzjoni tal-imħuħ", li tibbenefika kemm lill-pajjiżi li jibbenefikaw minnha kif ukoll dawk li jipprovduha.

3.4

F'Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat inizjattiva li tipproponi firxa ta' azzjonijiet u politiki ambizzjużi u meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tinbidel f'"Unjoni tal-Innovazzjoni". Għal dan il-għan, l-UE għandha tiffaċilita r-regoli dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.5

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jistgħu jagħtu spinta lid-dinamiżmu u d-diversità fl-attivitajiet edukattivi, xjentifiċi, kulturali u ekonomiċi fl-Ewropa. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-iffaċilitar tal-mobbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkostitwixxi waħda mit-tweġibiet għall-isfidi fil-qasam tad-demografija u ta' żvilupp ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li din il-politika għandha tkun ankrata fis-sod fis-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

3.6

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn favur it-twaħħid u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri involuti fl-aċċess għat-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi applikati attwalment jistgħu jwasslu għal sitwazzjoni ta' frammentazzjoni f'dak li jirrigwarda s-sistemi, il-politiki u l-leġislazzjonijiet f'livell nazzjonali li jolqtu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.7

Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fiċ-ċentralizzazzjoni tad-dibattiti, it-tiftix ta' soluzzjonijiet komuni, it-tħeġġiġ ta' prattiki tajbin u l-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri tagħha, il-pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom.

3.8

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt li kien hemm kjarifika tal-kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess faċilitat għat-territorju tal-Unjoni. Din l-inizjattiva tagħmel l-affarijiet iżjed ċari u prevedibbli, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għalkemm il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni u r-residenza huma differenti, il-fatt li kollha huma inklużi fid-direttiva l-ġdida jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' dimensjonijiet trasversali essenzjali, bħar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

3.9

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom kemm drittijiet kif ukoll obbligi, u jeħtieġ li jkunu jafuhom u jeżerċitawhom.

3.10

Il-Kumitat japprezza l-isforz biex l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jintrabat b'mod iżjed effettiv mal-oqsma prinċipali ta' politika rigward il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u r-riċerka, b'mod partikolari b'relazzjoni għal programmi rikonoxxuti bħall-Erasmus Mundus jew Marie Curie.

3.11

Il-Kumitat josserva wkoll b'sodisfazzjon l-enfasi li ngħatat lid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajiżi terzi. Madankollu, jinħtieġ tingħata attenzjoni ikbar lill-miżuri attivi li jiggarantixxulhom trattament ġust. Fil-prattika, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ta' spiss isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà, b'mod partikolari l-istudenti u l-persuni impjegati bħala au pairs. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali biex jivvalutaw il-vulnerabbiltà taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jipproponu lill-Istati Membri miżuri attivi biex jiġu eliminati.

3.12

Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar it-tixrid ta' attitudnijiet razzisti u ksenefobi fil-konfront taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Jeżisti l-periklu li l-iffaċilitar tal-mobbiltà ta' dawn iċ-ċittadini mingħajr il-qerda ta' dawn l-attitudnijiet jikkomprometti l-għanijiet politiċi kollha.

3.13

Il-Kumitat josserva li l-proposta tħaddan dispożizzjonijiet konkreti li jiffaċilitaw l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fiż-żoni Ewropej tar-riċerka u l-edukazzjoni, kif ukoll dwar is-suq tax-xogħol.

3.14

Għandu jitħeġġeġ l-aċċess taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi għal forom ta' impjieg li jlaqqgħu x-xogħol mal-edukazzjoni u t-taħriġ. Huwa importanti li jissaħħaħ il-prinċipju tat-trattament ugwali f'dak li jikkonċerna r-reklutaġġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' persuni rregolati mid-direttivi inkwistjoni.

3.15

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru u jħejju programmi maħsuba biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tan-nisa. Jeħtieġ li tingħata prijorità lil dan il-għan f'dak li jikkonċerna l-mobbiltà tal-istudenti u, b'mod iżjed partikolari, tar-riċerkaturi.

3.16

Il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżviluppaw firxa usa' ta' interazzjonijiet potenzjali, inklużi dawk li jikkonċernaw ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-impjieg. L-Ewropea hija żona li fi ħdanha l-produzzjoni artistika u l-industriji kreattivi jikkostitwixxu xprun għall-integrazzjoni, il-progress soċjali u l-iżvilupp ekonomiku.

3.17

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew isaħħu l-protezzjoni mogħtija fil-post tax-xogħol, anke meta jipparteċipaw fis-suq tal-impjieg, għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ammessi għall-finijiet ta' studju, riċerka jew xogħol ta' au pairing. B'mod partikolari huwa tal-fehma li d-derogi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/98 dwar it-trattament ugwali għandhom jitneħħew f'dak li jikkonċerna l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-au pairs.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa għaqli li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni globali tad-direttiva, b'mod li tkopri dawk li jitħarrġu bi ħlas u l-au pairs.

4.2

Il-Kumitat jemmen li fil-prattika għad fadal bosta ostakli proċedurali u istituzzjonali li jxekklu l-mobbiltà. Dawn jikkonċernaw l-iżjed il-proċeduri għall-għoti tal-viża li huma twal u imprevedibbli, u anke arbitrarji. Jirrappreżentaw spejjeż għoljin ħafna, kważi projbittivi, għall-applikanti. Il-possibbiltajiet ta' aċċess għall-ambaxxati jew l-uffiċċji konsulari huma ta' spiss limitati. Jeħtieġ li jiġu vvalutati bir-reqqa dawn l-ostakli, hi x'inhi n-natura tagħhom, u li jiġu ddeterminati miżuri li jagħmluha possibbli li dawn jitneħħew. Il-proċess għall-għoti tal-viża għandu jkun sempliċi, adegwat, aċċessibbli u nondiskriminatorju.

4.3

Is-settur privat jaqdi rwol b'saħħtu importanti fit-tilħiq tal-għanijiet marbutin mal-finanzjament u l-iżvilupp tar-riċerka. Jeħtieġ li l-intrapriżi jitħeġġu jadottaw approċċ proattiv biex jattiraw ir-riċerkaturi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżviluppaw miżuri speċifiċi, bil-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-intrapriżi privati, li jagħmluha possibbli li jitneħħew l-ostakli konkreti li jxekklu l-proċess ta' integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Pereżempju, il-proċedura għall-ftuħ ta' kont bankarju tista' tkun twila u kumplessa.

4.4

Il-Kumitat josserva li, għall-persuni li jiddedikaw ruħhom għall-volontarjat, l-għoti tal-viża jinvolvi diffikultajiet proċedurali. Din hija attività partikolari li la tikkostitwixxi xogħol u lanqas studji iżda, sa ċertu punt, hija marbuta magħhom it-tnejn. Il-volontarjat għandu jiġi rikonoxxut formalment bħala attività li tiġġustifika l-għoti ta' viża.

4.5

F'dan il-kuntest, il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li s-setgħat pubbliċi lokali u reġjonali jiġu involuti fil-ħidma f'dan il-qasam.

4.6

Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni li tipprevedi li l-Istati Membri jipprovdu kundizzjonijiet aħjar għall-persuni li għalihom tapplika l-Proposta għal Direttiva, peress li tista' tagħmilha possibbli li dawn il-pajjiżi jiżviluppaw politiki speċifiċi biex jattiraw ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn it-territorju tagħhom. Anke jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva ma jinbidilx, il-politiki tal-Istati Membri ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni fil-konfront ta' ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew ċittadini speċifiċi.

4.7

Fil-qafas ta' din il-politika, il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp ta' sħubijiet għall-mobbiltà u jisħaq fuq il-bżonn li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi sabiex tiġi żgurata "ċirkolazzjoni tal-imħuħ" effettiva. L-iżvilupp tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-UE ma għandux iċaħħad lill-pajjiżi terzi mill-ħiliet taċ-ċittadini tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni ma turix biċ-ċar liema huma l-azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward.

4.8

Rigward is-sitwazzjoni tal-istudenti u tal-kategorija ġdida li għada kif inħolqot ta' persuni li jitħarrġu bi ħlas, il-Kumitat jaqbel mal-proposta li jitħallew ikunu residenti fi Stat Membru ieħor għal perjodi bejn tliet u sitt xhur bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali previsti fid-direttiva inkwistjoni.

4.9

Il-Kumitat jaqbel mal-iffaċilitar tal-aċċess tal-istudenti għas-suq tax-xogħol, taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-direttiva, li tagħmilha possibbli li jaħdmu tal-inqas 20 siegħa fil-ġimgħa. Huwa f'idejn kull Stat Membru, fil-qafas tad-djalogu soċjali mal-imsieħba soċjali, li jistabbilixxi n-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol awtorizzati kull ġimgħa jew ġranet jew xhur ta' xogħol awtorizzati fis-sena, li ma għandux ikun inqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa jew l-ekwivalenti ta' dan fi ġranet jew xhur fis-sena. Fid-dawl tal-fatt li l-għan prijoritarju tagħhom jibqa' dak li jtemmu l-istudji tagħhom, il-perjodu ta' attività awtorizzat għandu jkun limitat għal livell li jagħmilha possibbli li jintlaħaq dan l-għan. Jeħtieġ li tingħata prova regolari tal-progress li jkun qed isir fl-istudji.

4.10

Il-Kumitat josserva kemm huwa importanti l-prinċipju li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod li jiġu ttrattati ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-beni u għas-servizzi.

4.11

Fl-Opinjoni li l-Kumitat adotta fl-2006 dwar il-Green Paper dwar il-migrazzjoni ekonomika (1), u dik dwar il-liċenzja unika li adotta fl-2008 (2), huwa rrakkomanda li l-migranti legali jingħataw id-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, apparti d-dritt għal trattament ugwali fil-post tax-xogħol, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u s-sensja, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol u l-libertà ta' assoċjazzjoni.

4.12

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-prattika, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu rispettati tassew.

4.13

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta fattur essenzjali biex jiġi żgurat li din il-politika tirnexxi. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jikkomunikaw maċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jiżguraw l-aċċess tagħhom għal informazzjoni ta' kwalità tajba.

4.14

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ser ikompli jaġixxi kif għamel minn dejjem bħala pont bejn is-soċjetà ċivili organizzata u l-istituzzjonijiet Ewropej u beħsiebu jissokta bil-promozzjoni tal-prattiki tajbin fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 286, 7.11.2005, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema”

COM(2013) 236 final — 2013/0124 (COD)

2013/C 341/13

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar il-21 ta’ Mejju 2013 u nhar it-13 ta’ Mejju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 46 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema

COM(2013) 236 final – 2013/0124 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'133 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jinnota li mill-erba' libertajiet mogħtija mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa dak li għad għandu l-ikbar ostakli fil-prattika.

1.2

Il-Kumitat jemmen li l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, mingħajr ostakli u diskriminazzjonijiet, ser jgħin fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, u ser itejjeb il-kompetittività tal-UE, il-produttività tal-intrapriżi u l-kwalità tal-impjiegi għall-ħaddiema, peress li huwa pilastru tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3

Il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fl-Ewropa għandu jkompli jkun prijorità politika għall-UE. Il-Kumitat jemmen li d-Direttiva ser tikkontribwixxi għal mobbiltà ġusta u bilanċjata.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni, li ser tiffaċilita it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għall-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu; madankollu għad fadal ostakli oħra li jxekklu l-mobbiltà, bħal dawk li l-Kumitat semma diġà f'Opinjonijiet oħra.

1.5

Sabiex ikomplu jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà għandhom jiġu adottati miżuri addizzjonali bil-għan li jkun hemm informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali li tkun disponibbli għall-ħaddiema mobbli fil-lingwi nazzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk għandu jiġi stabbilit id-dritt għal konsulenza individwali għall-ħaddiema. Dawn l-istrutturi ta' konsulenza għandhom jikkollaboraw u jkunu marbuta mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-EURES, b'tali mod li l-ħaddiema mobbli diġà jkunu informati f'pajjiżhom dwar il-kundizzjonijiet soċjali u legali tal-pajjiż ospitanti.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet li tixtieq tilħaq il-Kummissjoni permezz tad-Direttiva, bħad-difiża tad-drittijiet imnissla mill-prinċipju tat-trattament indaqs tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom fl-impjieg u f'diversi drittijiet soċjali, permezz ta' proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; l-azzjoni tal-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u persuni legali oħra; l-istabbiliment ta' strutturi ta' appoġġ u superviżjoni fil-livell nazzjonali; id-djalogu soċjali; it-titjib tal-informazzjoni għall-intrapriżi u għall-ħaddiema. Il-Kumitat japprezza li t-traspożizzjoni fil-leġislazzjonijiet nazzjonali ser issir fir-rispett tal-proċeduri u l-prattiki ġudizzjarji nazzjonali.

1.7

Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta' servizzi ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni dwar l-eżerċizzju tal-moviment liberu u l-mobbiltà, bħala appoġġ għall-ħaddiema. Ser ikun hemm bżonn li anke l-impjegaturi jiġu infurmati b'mod adegwat.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tibdel u twessa' r-rwol tal-EURES biex tiffaċilita l-mobbiltà u biex il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jkunu jikkorrespondu aktar.

2.   Il-proposta għal Direttiva

2.1

Ir-rapport ta' Mario Monti ta' Mejju tal-2010 "A new Strategy for the Single Market" (Strateġija ġdida għas-suq uniku) jenfasizza l-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema rnexxa mil-lat legali, iżda xorta waħda huwa l-inqas libertà eżerċitata minn fost l-erba' libertajiet tas-suq uniku. Il-lakuna li teżisti bejn it-teorija u l-prattika hija riflessa wkoll fil-linji gwida politiċi 2010-2014 ippreżentati mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Barroso.

2.2

Il-Kummissjoni qed tipproponi Direttiva bil-għan li tittejjeb l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema b'rabta mal-moviment liberu. It-Trattat u l-leġislazzjoni Ewropea applikabbli jagħtu liċ-ċittadini Ewropej kollha d-dritt li jiċċaqilqu b'mod ħieles lejn Stat Membru ieħor biex jaħdmu u jgħixu, u jħarsuhom kontra d-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg u jiggarantixxu t-trattament indaqs.

2.3

Matul dawn l-aħħar snin inbdew tliet pjani ta' azzjoni (1) għall-mobbiltà tal-ħaddiema – fl-1997, l-2002, u l-2007. Madankollu l-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw dan id-dritt għall-mobbiltà fl-UE huma 3 %. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-KESE u l-partijiet interessati soċjali indikaw l-ostakli li qed ixekklu l-eżerċizzju ta' dan id-dritt fil-prattika:

awtoritajiet nazzjonali li ma jkunux konformi mal-liġi tal-UE (liġi mhux konformi jew applikazzjoni ħażina), b'effett negattiv fuq il-ħaddiema migranti fl-UE;

impjegaturi u konsulenti legali li ma jkunux konformi mal-liġi tal-UE;

ħaddiema migranti tal-UE li m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni jew għal mezzi biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom.

2.4

B'riżultat ta' dawn il-problemi, f'ħafna okkażjonijiet id-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għadha ostaklu importanti ħafna għall-ħaddiema migranti tal-UE.

2.5

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet wesgħin mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-aġenziji speċjalizzati, u kkonkludiet li biex il-ħaddiema jeżerċitaw b'mod aktar faċli d-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu, l-istrument legali l-aktar adegwat huwa direttiva sabiex id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mill-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiġu rispettati b'mod uniformi.

2.6

Il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva ser jinkludi aspetti li fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema huma inklużi fir-Regolament (UE) Nru 492/2011, li jiggarantixxi t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni fl-oqsma li ġejjin:

l-aċċess għall-impjieg;

il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-paga u t-tkeċċija;

l-aċċess għal vantaġġi soċjali u fiskali;

sħubija fi trejdjunjins;

l-aċċess għat-taħriġ;

l-aċċess għall-akkomodazzjoni; u

l-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal tal-ħaddiema.

2.7

Id-Direttiva ser tobbliga lill-Istati Membri biex:

joħolqu punti ta' kuntatt nazzjonali biex jinfurmaw, jgħinu u jagħtu pariri lill-ħaddiema migranti dwar id-drittijiet garantiti mil-leġislazzjoni Ewropea, fost oħrajn dwar in-nondiskriminazzjoni u l-libertà tal-moviment;

jipprovdu u jiggarantixxu d-disponibbiltà ta' mezzi amministrattivi u/jew ġudizzjarji ta' rimedju fil-livell nazzjonali;

jippermettu lit-trejdjunjins, lill-NGOs u lil entitajiet legali oħra jibdew proċeduri amministrattivi jew legali għar-rispett tad-drittijiet imnissla mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mill-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, b'rappreżentanza jew appoġġ tal-ħaddiem u tal-membri tal-familja tiegħu, bil-qbil tiegħu, u b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali;

jipprovdu tagħrif aħjar lill-ħaddiema migranti tal-UE u lill-impjegaturi dwar il-leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu.

3.   Kummenti ġenerali: Iċ-ċittadini Ewropej u l-moviment liberu

3.1

L-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza l-kapaċità sħiħa tas-suq tax-xogħol biex tħeġġeġ it-tkabbir u l-impjieg, tiżviluppa b'mod sħiħ il-potenzjal tas-suq uniku u toħloq suq tax-xogħol Ewropew dinamiku u integrat, b'perspettivi aħjar għall-impjieg fuq żmien twil. Għalhekk huwa indispensabbli li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema u jiġu garantiti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema u tal-intrapriżi.

3.2

Il-KESE jinsab sodisfatt li fis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini l-Kummissjoni adottat din il-proposta għal Direttiva biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej. Il-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-erba' libertajiet fundamentali (flimkien mal-libertà tal-moviment tal-oġġetti, tal-kapital u tas-servizzi) li fuqhom huwa bbażat is-Suq Uniku, u huwa stabbilit fit-Trattat biex jiżgura d-dritt li ċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor għal raġunijiet ta' xogħol ma jbatux minn diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

3.3

Fl-2011 il-Kumitat kien ħareġ Opinjoni esploratorja (2) fuq talba tal-Presidenza Belġjana li fiha ġie analizzat ir-rwol tal-immigrazzjoni fil-kuntest demografiku tal-UE. Il-konklużjoni tal-KESE kienet li, b'konsegwenza tas-sitwazzjoni demografika negattiva u tal-iżbilanċi tas-swieq tax-xogħol, l-Ewropa għandha ttejjeb il-mobbiltà interna tal-ħaddiema Ewropej u tiffaċilita l-immigrazzjoni minn pajjii terzi.

3.4

Fl-2009, il-Presidenza Ċeka wkoll kienet talbet li titfassal opinjoni esploratorja (3) biex jiġu identifikati l-ostakli għall-mobbiltà li għadhom jeżistu fis-suq intern. Il-Kumitat jemmen li, minkejja t-Trattat u l-leġislazzjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jiċċaqilqu jew li jimxu minn Stat Membru għal ieħor għal raġunijiet ta' xogħol, għadhom isibu għadd ta' problemi li jxekklu bil-kbir l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu. Fost affarijiet oħra, din l-Opinjoni ddikjarat li "il-mobbiltà Ewropea għandha tibqa' prijorità politika għall-UE" u li d-dispożizzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal "mobbiltà ekwa" ("fair mobility") u bilanċjata, u jevitaw id-dumping soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat.

3.5

Il-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni ser tiffaċilita t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità għall-ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu. Iżda għad fadal ostakli oħrajn li qed ixekklu jew jipperikolaw il-mobbiltà tal-ħaddiema, li l-KESE nnota f'diversi opinjonijiet (4) li fihom ippropona diversi soluzzjonijiet, f'oqsma bħal:

il-perjodi tranżitorji li jillimitaw temporanjament il-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej, b'mod ġenerali jew f'oqsma speċifiċi;

il-leġislazzjonijiet dwar ix-xogħol tal-Istati Membri li joħolqu ostakli legali u amministrattivi; barra minn hekk, il-ftehimiet kollettivi għandhom jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema;

il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema transkonfinali biex jeżerċitaw il-moviment liberu, f'oqsma bħat-tassazzjoni u s-sigurtà soċjali;

in-nuqqas ta' għarfien lingwistiku;

il-koordinazzjoni insuffiċjenti tas-sistemi pubbliċi ta' sigurtà soċjali u l-problemi għat-trasferiment u r-rikonoxximent tal-pensjonijiet komplementarji;

il-problemi kbar li għadhom jippersistu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-kwalifiki akkademiċi;

id-diffikultajiet għall-aċċess għat-taħriġ kontinwu;

in-nuqqas ta' informazzjoni u ta' pariri dwar il-leġislazzjoni Ewropea u l-proċeduri tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma disponibbli fil-livell nazzjonali għall-ħaddiema, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-NGOs, kif ukoll il-qrati u l-professjonisti legali l-oħrajn;

in-nuqqas ta' informazzjoni u ta' pariri għall-ħaddiema dwar il-kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali, kif ukoll dwar punti ta' kuntatt fil-pajjiż ospitanti, li għandhom jingħataw qabel ma jitilqu mill-pajjiż tal-oriġini;

in-nuqqas ta' opportunitajiet u l-prezz tal-akkomodazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta' djar soċjali;

it-taxxi, il-kontribuzzjonijiet u benefiċċji soċjali diskriminatorji;

il-problemi għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

l-ostakli fis-sistemi edukattivi tat-tfal.

3.6

Il-KESE fassal ukoll Opinjonijiet (5) dwar il-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' diversi raġunijiet. Il-Kumitat jemmen li kemm ir-Regolament (UE) 492/2011 kif ukoll id-Direttivi kontra d-diskriminazzjoni Nru 2000/43/KE u 2000/78/KE għandhom jiġu rispettati u użati biex tinqered id-diskriminazzjoni tal-leġislazzjonijiet nazzjonali u tal-prattiki amministrattivi, legali u tal-ftehimiet kollettivi, biex jiġi faċilitat il-moviment liberu fl-UE.

3.7

Il-mobbiltà hija meqjusa bħala pożittiva kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema, jekk titmexxa b'mod adegwat, ġust u fuq bażi volontarja. Hekk stqarrew il-BUSINESSEUROPE u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins. L-intrapriżi ser ikollhom opportunitajiet akbar għar-reklutaġġ, u l-ħaddiema ser ikunu jistgħu jagħżlu minn fost firxa usa' ta' opportunitajiet ta' xogħol.

3.8

Għandha ssir distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-ħaddiema li titkellem dwaru l-proposta għal Direttiva u l-libertà li l-intrapriżi jipprovdu s-servizzi. Dan l-aħħar il-KESE adotta Opinjoni (6) b'rabta mal-aħħar proposta għal Direttiva dwar iċ-ċaqliq tal-ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi.

3.9

Il-KESE jappoġġja l-isforzi l-ġodda għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-UE u tal-miżuri li jiffaċilitaw il-mobbiltà, bit-tneħħija tal-ostakli li jeżistu. Il-proposta għal Direttiva ser tobbliga lill-Istati Membri jadattaw il-leġislazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom, ħaġa li l-KESE jappoġġja. Il-Kumitat jixtieq li ma tinħoloqx burokrazija għalxejn għall-intrapriżi.

3.10

L-awtoritajiet nazzjonali u l-korpi ta' appoġġ u superviżjoni ser iħarsu b'mod speċjali għall-protezzjoni tat-trattament indaqs tal-ħaddiema migranti tal-UE li għandhom xi diżabbiltà.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi u rakkomandazzjonijiet

4.1

Minkejja li l-Artikolu 45 tat-Trattat u r-Regolament (UE) Nru 492/2011 jiggarantixxu t-trattament indaqs għall-migranti tal-UE fil-qafas tal-moviment liberu jekk jiġu applikati korrettament fl-Istati Membri, għadhom jippersistu diversi problemi fil-prattika. Għaldaqstant il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Direttiva hija l-istrument legali adegwat biex jiġi faċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ħaddiema, għax din ser twassal biex jintlaħqu l-għanijiet previsti b'mod uniformi meta tiġi inkorporata fil-leġislazzjonijiet nazzjonali. Il-Kumitat jixtieq li l-Parlament u l-Kunsill ukoll jappoġġjaw din il-proposta għal Direttiva.

4.2

Il-KESE jemmen li jekk inħarsu d-drittijiet tal-moviment liberu tal-ħaddiema Ewropej, billi niggarantixxu t-trattament indaqs, ser tiġi ffaċilitata l-mobbiltà u ser jissaħħaħ is-suq uniku. In-negozji u l-ħaddiema Ewropej ser ikollhom opportunitajiet ġodda biex igawdu b'mod sħiħ mill-potenzjal tas-suq tax-xogħol Ewropew.

4.3

Għaldaqstant il-Kumitat jemmen li t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni ser jgħinu l-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti u tal-familji tagħhom.

4.4

Fil-kumitat konsultattiv dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (7), kemm il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins kif ukoll il-BUSINESSEUROPE kienu favorevoli għall-proposta għal Direttiva. Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-isforzi konġunti tal-imsieħba soċjali Ewropej biex jappoġġjaw il-mobbiltà u l-migrazzjoni ekonomika fl-UE (8).

4.5

Barra minn hekk, il-kumitat tekniku (9) għall-moviment liberu tal-ħaddiema ser ikollu jadotta linji gwida ġodda għat-titjib tal-mobbiltà tax-xogħol.

4.6

Sabiex ikomplu jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà għandhom jiġu adottati miżuri addizzjonali bil-għan li jkun hemm informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol u d-drittijiet soċjali li tkun disponibbli għall-ħaddiema mobbli fil-lingwi nazzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk għandu jiġi stabbilit id-dritt għal konsulenza individwali għall-ħaddiema. Dawn l-istrutturi ta' konsulenza għandhom jikkollaboraw u jkunu marbuta mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-EURES, b'tali mod li l-ħaddiema mobbli diġà jkunu informati f'pajjiżhom dwar il-kundizzjonijiet soċjali u legali tal-pajjiż ospitanti.

4.7

Meta tiġi trasposta korrettament fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, id-Direttiva ser tobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea għal-libertà tal-moviment. Ser tiffaċilita wkoll l-attività tal-impjegaturi u tal-konsulenti ġuridiċi li bħalissa għadhom mhux familjari mal-leġislazzjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-ħaddiema u l-familji tagħhom ser ikollhom aktar aċċess għall-informazzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

4.8

Il-KESE jappoġġja l-erba' għanijiet li identifikat il-Kummissjoni:

it-tnaqqis tad-diskriminazzjoni tal-ħaddiema migranti tal-UE minħabba n-nazzjonalità;

it-tneħħija tad-differenza bejn id-drittijiet fuq il-karta tal-ħaddiema migranti tal-UE u l-eżerċizzju tagħhom fil-prattika billi teħfief l-implimentazzjoni tajba tal-leġislazzjoni;

it-tnaqqis tal-prattiki żleali kontra l-ħaddiema migranti tal-UE;

biex il-ħaddiema migranti tal-UE jiġu mogħnija bil-kapaċitajiet biex jagħmlu hekk li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati.

4.9

Il-Kumitat jaqbel b'mod sħiħ mal-għan tad-Direttiva (Artikolu 1) li jiġu applikati u rispettati b'mod uniformi d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 45 tat-TFUE u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, u jaqbel bis-sħiħ ukoll mal-kamp ta' applikazzjoni (Artikolu 2) li jkopri l-aspetti marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma inklużi fir-Regolament.

4.10

Il-KESE jemmen li r-Regolament u d-Direttiva jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema transkonfinali, li huma wkoll ħaddiema Ewropej li jeżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu.

4.11

Il-Kumitat jaqbel ukoll li l-garanzija tal-protezzjoni tad-dritt għat-trattament indaqs, il-mezzi ta' rimedju u l-iskadenzi jiġu inkorporati fis-sistemi u l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta' kull Stat Membru (Artikolu 3). Madankollu huwa jirrakkomanda lill-Istati Membri li jnaqqsu l-proċeduri amministrattivi u legali biex dawn ikunu aktar aċċessibbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familji tagħhom.

4.12

Il-KESE jemmen li huwa adegwat ukoll it-test tal-Artikolu 4: "L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra, li, skont il-kriterju stabbilit fil-liġi nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu li jiżguraw li jkunu konformi mad-dispożizjonijiet ta' din id-Direttiva, ikunu jistgħu jieħdu sehem, f'isem il-ħaddiem u l-membri tal-familja tiegħu jew b'appoġġ għalihom, bl-approvazzjoni tal-ħaddiem, f'kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva provduta għall-infurzar tad-drittijiet skont l-Artikolu 45 tat-Trattat u l-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011" mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali għar-rappreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati. F'dan il-kuntest, huwa fundamentali r-rwol li l-leġislazzjonijiet nazzjonali jagħtu lit-trejdjunjins, li għandu jitqies mid-Direttiva.

4.13

Il-Kumitat jaqbel mal-Artikolu 5 li jobbliga lill-Istati Membri jwaqqfu strutturi u korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, is-superviżjoni u l-appoġġ tat-trattament indaqs. Il-KESE jaqbel li, skont il-kuntest tal-pajjiżi individwali, dawn il-ħidmiet prattiċi jkunu jistgħu jingħataw lil aġenziji nazzjonali li jeżistu diġà, jew li għad iridu jinħolqu, li għandhom għanijiet simili fil-qasam tat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni. L-imsieħba soċjali għandhom jieħdu sehem f'dawn id-deċiżjonijiet b'mod obbligatorju, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali. Fiż-żewġ każijiet dawn l-istrutturi u aġenziji għandhom jinkorporaw b'mod ċar dan il-mandat il-ġdid fost il-kompetenzi tagħhom u jirċievu riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet ġodda. Il-Kumitat jipproponi li dawn l-aġenziji u l-korpi jkunu kompletament indipendenti mill-gvernijiet. Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali għandhom jieħdu sehem b'mod adegwat f'dawn il-korpi, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali.

4.14

Id-Direttiva ma ssemmix ir-rwol tal-ispetturi u tal-awtoritajiet tax-xogħol li, fil-qafas tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, ser ikollhom jaraw li r-regoli dwar it-trattament indaqs jiġu rispettati fil-kuntratti tax-xogħol, fil-ftehimiet kollettivi u fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Il-Kumitat jipproponi li d-Direttiva tinkludi din il-kwistjoni.

4.15

Il-KESE jappoġġja l-erba' kompetenzi li għandu jkollhom dawn il-korpi (Artikolu 5(2)) bħal: assistenza legali jew ta' tip ieħor, stħarriġiet, rapporti u pubblikazzjoni ta' informazzjoni.

4.15.1

Is-sistema ta' "punt ta' kuntatt uniku" tista' tkun importanti ħafna biex tiġi faċilitata l-informazzjoni u biex tingħata direzzjoni lill-ħaddiema migranti dwar kif wieħed jista' jgħix u jaħdem f'kull Stat Membru. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti mill-qrib f'din is-sistema iżda jridu jikkollaboraw mal-punti ta' informazzjoni u assistenza u maċ-ċentri ta' taħriġ professjonali li jeżistu diġà fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Huwa importanti li jinżamm u jiġi appoġġjat ir-rwol essenzjali tal-portal EURES peress li huwa strument importanti tal-UE li jiffoka kemm fuq il-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll biex il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ikunu jaqblu. U anke hawnhekk, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali għandha tittejjeb u tiġi garantita.

4.16

Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali tas-suq tax-xogħol u d-djalogu tripartitiku bejn il-gvern, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u dawk ta' min iħaddem, flimkien mad-djalogu mas-soċjetà ċivili (10), huma strumenti importanti ħafna tal-politiki pubbliċi u għandhom impatt pożittiv fuq iċ-ċittadini. Għaldaqstant huwa jappoġġja l-Artikolu 6 dwar id-djalogu soċjali fil-qafas tal-proċeduri legali nazzjonali.

4.17

It-tixrid tal-informazzjoni fl-Istati Membri (Artikolu 7) huwa importanti ħafna biex il-migrazzjoni tal-ħaddiema tal-UE timxi tajjeb. Huwa vitali li l-ħaddiema u l-impjegaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni, biex is-suq intern u s-suq tax-xogħol Ewropew jaħdmu tajjeb. Informazzjoni adegwata u aċċessibbli tista' tillimita l-abbużi tal-impjegaturi u li l-ħaddiema jaċċettaw id-diskriminazzjoni b'mod passiv.

4.18

Il-KESE jħeġġeġ lill-ħaddiema migranti u lill-familji tagħhom biex jużaw ukoll is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti bħall-Your Europe u l-EURES.

4.19

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-imsieħba soċjali Ewropej qed jindirizzaw il-kwistjoni tal-mobbiltà interna fl-UE u l-migrazzjoni ekonomika minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE fil-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, u jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tniedi programmi ġodda f'kollaborazzjoni mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u l-BUSINESSEUROPE biex tittejjeb l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali, biex jiġi faċilitat moviment liberu aktar ġust għall-ħaddiema Ewropej u l-familji tagħhom u l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(1997) 586 final, COM(2002) 72 final, COM(2007) 773 final.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, pp. 6–13.

(3)  ĠU C 228, 22.9.2009, pp. 14–23.

(4)  ĠU C 68, 6.3.2012, pp. 11–14, ĠU C 191, 29.6.2012, pp. 103–107.

(5)  ĠU C 204, 18.7.2000, pp. 82–90, ĠU C 155, 29.5.2001, pp. 65–71, ĠU C 77, 31.3.2009, pp. 102–108.

(6)  ĠU C 351, 15.11.2012, pp. 61-64.

(7)  Laqgħa tat-30 ta' Ottubru tal-2012.

(8)  Programm konġunt tal-imsieħba soċjali Ewropej (2012-2014): mobbiltà, migrazzjoni ekonomika u integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti fis-suq tax-xogħol.

(9)  Previst fir-Regolament (UE) Nru 492/2011.

(10)  ĠU C 181, 21.6.2012, pp. 137–142.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/59


Opinjoni tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent”

COM(2013) 123 final

2013/C 341/14

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Nhar l-10 ta' April 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik fl-Ambjent

COM(2013) 123 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 6 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-problema ġenerali ta' flussi ta' skart mhux kontrollati, u tal-iskart tal-plastik b'mod partikolari, hija waħda gravi, minħabba li dawn ta' spiss jispiċċaw fl-ambjent, jew fil-miżbliet mhux regolati, jew fl-ambjent tal-baħar. Minkejja li l-iskart tal-plastik fl-ambjent huwa problema globali, naturalment is-soluzzjonijiet huma lokali b'approċċi speċifiċi skont il-kundizzjonijiet u l-kapaċitajiet tal-lokal.

1.2

Il-Green Paper dwar Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik tagħti firxa ta' statistika mis-sorsi taż-ŻEE u tal-Eurostat, kif ukoll referenzi għal aktar pubblikazzjonijiet, kotba, rapporti akkademiċi, eċċ. Nirrakkomandaw li din id-data tiġi kategorizzata u analizzata sabiex ikun aktar faċli biex tinftiehem u tintuża fit-tfassil ta' konklużjonijiet dwar it-trattament adegwat tal-flussi ta' skart tal-plastik.

1.3

Fil-każ tal-ambjent awkatiku jew tal-baħar, l-iskart tal-plastik jagħmel il-parti l-kbira tat-tniġġis viżibbli li jgħum f'wiċċ l-ilma. Din il-problema hija aggravata mid-degradazzjoni tal-materjali tal-plastik għax tagħmilhom inviżibbli u b'hekk jidħlu fil-katina tal-ikel. Huwa essenzjali li tittejjeb il-preċiżjoni fl-analiżijiet tal-flussi ta' skart u materjali li fihom il-plastiks, inklużi l-analiżi dwar kif dan l-iskart jispiċċa fl-ambjent tal-baħar. M'għandhiex titħalla ssir vjolazzjoni tar-regoli eżistenti dwar ir-rimi fil-miżbliet mhux immaniġġjat sew. L-iskart tal-plastik fl-ambjent tal-baħar mhux aċċettabbli.

1.4

Il-KESE japprezza ferm l-inizjattivi organizzati minn diversi gruppi ta' interess biex tittaffa din il-problema serja. L-UE tista' tipproponi inizjattiva internazzjonali biex torganizza t-tindif tal-agħar akkumulazzjonijiet ta' skart tal-plastik li jgħum f'wiċċ l-oċeani. Għadha tieħu dawk il-passi li tista' sabiex ma tħallix li l-iskart tal-plastik li joriġina fl-Ewropa jispiċċa fil-baħar; u għandha tikkunsidra l-użu ta' programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp biex tippromovi u tappoġġa prattiki ta' ġestjoni tal-iskart li huma aktar sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari sabiex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' skart tal-plastik minn dawk il-pajjizi fl-oċeani.

1.5

B'konformità mal-ġerarkija tal-iskart, għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li qabel xejn jiġi ġġenerat anqas skart tal-plastik. Xi użu tal-plastiks jistgħu jiġu projbiti jekk ikun hemm alternattivi aktar favur l-ambjent u vijabbli.

1.6

Il-Kumitat jinnota wkoll li l-identifikazzjoni u s-separazzjoni tal-flussi ta' skart kemm fis-sors fejn jinsabu kif ukoll ladarba jinġabru huma prerekwiżit għal riċiklaġġ li jirnexxi. Il-KESE jħoss il-ħtieġa ta' ħarsa ġenerali lejn il-proċess sħiħ tal-ġbir ta' skart mid-djar biex tiġi identifikata u tixxerred l-aħjar prattika. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk is-sistemi magħżula għall-ġbir ta' skart għandhomx impatti differenti, partikolarment rigward it-tixrid tal-iskart tal-plastik fl-ambjent.

1.7

Il-Kumitat jifhem li t-tliet atti leġislattivi ewlenin relatati mal-iskart tal-plastik (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar l-Imballaġ u l-Iskart mill-Imballaġġ u d-Direttiva dwar l-Iskart tat-Tagħmir Elettriku u Elettroniku) ma ġewx infurzati b'mod adegwat mal-UE kollha. Il-KESE jirrakkomanda li jittejjeb l-infurzar u jiġu aġġornati kif meħtieġ. Wara li ssir analiżi esperta tad-data u proċessi rilevanti meħtieġa, għandha issir valutazzjoni adegwata tal-konsegwenzi mhux intenzjonati u l-lakuni li jinstabu għandhom jitneħħew. L-isforzi ġenerali għall-irkupru u r-riċiklaġġ aktar effiċjenti b'mod ġenerali għandhom jgħinu jsolvu wkoll il-problemi tal-iskart tal-plastik li jissemmew fil-Green Paper.

1.8

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza r-rwol dejjem jikber li jistgħu jaqdu l-konsumaturi u jappoġġja l-argumenti tal-Green Paper rigward ir-responsabilizzazzjoni tal-konsumaturi biex ikunu jafu x'inhuma jixtru: "Konsumaturi infurmati jista’ jkollhom rwol deċiżiv fil-promozzjoni ta’ metodi ta' produzzjoni aktar sostenibbli għall-plastik u għall-prodotti tal-plastik u dan itejjeb ukoll l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Fl-immirar fuq l-imġiba tal-konsumaturi, informazzjoni ċara, sempliċi u konċiża tista’ tkun strumentali sabiex tinforma lill-konsumaturi dwar il-kontenut tal-plastik ta' prodott u l-addittivi/kuluri potenzjalment ta’ ħsara tiegħu. Informazzjoni sħiħa fuq prodott għall-konsumatur fir-rigward tat-tip ta' plastik u r-riċiklabilità tiegħu tista tiġi pprovduta lil hinn mill-iskemi eżistenti, u b'hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata meta jixtru prodott tal-plastik".

1.9

Kienu involuti diversi partijiet interessati fl-aġenda tal-UE dwar l-iskart u l-iskart tal-plastik. Huma ssuġġerew inizjattivi biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u biex kemm jista' jkun jiġu rkuprati r-riżorsi prezzjużi. L-għarfien u l-kompetenzi tagħhom joffru bażi soda biex jintlaħaq progress pjuttost malajr biex l-iskart tal-plastik ma jibqax jintrema fil-miżbliet.Is-soċjetà ċivili taqdi rwol kruċjali biex issaħħaħ l-implimentazzjoni stretta u l-bidla fl-imġiba.

2.   Green Paper

2.1

L-għan tal-Green Paper huwa li tniedi diskussjoni wiesgħa dwar reazzjonijet possibbli għall-isfidi ta' politika pubblika li jġib miegħu l-iskart tal-plastik, li mhuwiex trattat speċifikament fil-leġislazzjoni attwali tal-UE dwar l-iskart.

2.2

Il-karatteristiċi inerenti tal-plastiks joħolqu sfidi speċifiċi għall-ġestjoni tal-iskart:

Il-plastiks l-aktar komuni huma relattivament irħas u versatili, u għandhom ħafna applikazzjonijiet industrijali. Dan wassal għal żieda qawwija fl-użu tagħhom fl-aħħar seklu, liema żieda għadha qed tikber.

Il-plastiks huma materjali li jservu għal żmien twil b'ħajja ħafna itwal minn dawk tal-prodotti magħmulin minnhom. B'riżultat t'hekk, il-produzzjoni tal-iskart tal-plastik qed tikber mad-dinja kollha.

Ir-rimi bla rażan tal-plastiks huwa problematiku, għax il-plastik jippersisti fl-ambjent għal perjodu ta' żmien twil ħafna.

Huwa partikolarment meħtieġ li jibqgħu għaddejjin l-isforzi biex jitnaqqsu l-preżenza u l-impatti tal-plastik fl-ambjent tal-baħar.

2.3

Irrispettivament mid-diffikultajiet attwali, il-ġestjoni aħjar tal-iskart tal-plastik toffri wkoll opportunitajiet ġodda. Minkejja li, bħala regola, it-termoplastiks huma riċiklabbli kompletament, huwa biss porzjon żgħir ta' iskart tat-termoplastiks li fil-fatt jiġi riċiklat fil-preżent.

2.4

Ir-riċiklaġġ imtejjeb se jikkontribwixxi għall-miri tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi (1) u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, u l-importazzjonijiet ta' materja prima u karburanti fossili. Il-miżuri li jitfasslu adegwatament għar-riċiklaġġ tal-plastiks jistgħu jtejbu wkoll il-kompetittività u joħolqu attivitajiet ekonomiċi u impjiegi ġodda.

2.5

Il-Green Paper, li jingħad li hija msejsa fuq l-approċċ tal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, għandha tgħin għall-valutazzjoni mill-ġdid tar-riskji tal-plastiks għas-saħħa ambjentali u tal-bniedem fil-prodotti meta jintremew bħala skart.

2.6

Din għandha tgħin biex isiru avvanzi sabiex l-impatti tal-plastiks matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, mill-estrazzjoni tal-materja prima sal-fażi ta' tmiem il-ħajja tagħhom, jiġu koperti mill-prezzijiet tal-prodotti tal-plastik.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jara l-ħtieġa ta' ħarsa ġenerali aħjar tal-proċess sħiħ tal-ġbir ta' skart tad-djar sabiex tiġi identifikata dik li hija fil-fatt l-aħjar prattika – u dak li huwa adatt għal-livelli ta' PDG, klimi u livelli ta' disponibbiltà tal-art differenti. L-aħjar prattiki għandhom jiġu adattati għall-kundizzjonijiet speċifiċi ta' Stati Membri u reġjuni individwali u mbagħad jixxerdu.

3.2

Il-problema ġenerali ta' flussi ta' skart mhux kontrollati, u tal-iskart tal-plastik b'mod partikolari, hija waħda gravi, minħabba li ta' spiss jispiċċaw fl-ambjent, jew fil-miżbliet mhux regolati, jew fil-ħamrija (eż. minħabba l-użu ta' films tal-plastik fl-agrikoltura) jew fl-ambjent tal-baħar. Filwaqt li l-iskart tal-plastik fl-ambjent huwa problema globali, naturalment is-soluzzjonijiet huma lokali ħafna iżda huwa essenzjali li dawn jiġu applikati mal-UE kollha.

3.3

Għandna nifhmu l-importanza tal-plastiks fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Il-problema mhuwiex il-plastik innifsu iżda l-mod kif nimmaniġġjaw l-iskart tagħna, inkluż l-iskart tal-plastik. Il-miżuri adottati għandhom jindirizzaw primarjament dan il-fatt għaliex il-prevenzjonu u t-tnaqqis gradwali tal-iskart huwa prinċipju bażiku tas-sostenibbiltà.

3.4

Sabiex il-firxa ta' statistika li tingħata fil-Green Paper tkun tista' tinftiehem u tintuża aktar faċilment, nirrakkomandaw li d-data tiġi kategorizzata f'mod li jippermetti li tkun tista' titqabbel u jkunu jistgħu jiġu identifikati xejriet u finalment ikunu jistgħu jiġu suġġeriti alternattivi għall-indirizzar tal-problema.

3.5

Għal dan il-għan, għandha ssir distinzjoni bejn it-termoplastiks, jiġifieri dawk il-plastiks maħsuba li huma l-problema ewlenija għaliex jispiċċaw fl-ambjent minkejja li huma riċiklabbli u jistgħu jerġgħu jintużaw, u l-materjali (reżina) ssettjati bis-sħana (thermosetting materials) li jiġu prodotti f'ammonti ferm iżgħar, li jintużaw għall-produzzjoni ta' tagħmir tekniku u li jew mhumiex riċiklabbli jew inkella diffiċli ħafna jiġu riċiklati fil-preżent.

3.6

Bosta mill-plastiks huma ideali bħala riżervi ta' karburant, iżda l-inċinerazzjoni mhijiex l-aħjar soluzzjoni għall-PVC. Jista' jkun li f'ħafna każijiet l-aħjar approċċ ikun li l-plastiks jinħarqu ma' komponenti oħrajn ta' skart biex ma jkunx hemm bżonn li jintużaw żjut jew gassijiet ġodda li jgħinu fl-inċinerazzjoni. L-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja se tipprovdi t-tweġiba, madankollu ftit li xejn hemm referenza għal analiżi ta' din ix-xorta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.7

Il-Green Paper għandha tiffoka primarjament fuq it-termoplastiks, partikolarment il-film tal-plastik (dak tekniku u tal-imballaġġ li fih PE, PP u PVC) u l-kontenituri tax-xarbiet (speċjalment dawk magħmulin mill-PET), li żdiedu ħafna b'mod globali l-aktar għax issostitwixxew il-ħġieġ u l-landa, u li jippreżentaw wkoll riskju għall-ambjent tal-baħar meta r-rimi tagħhom ma jkunx kontrollat.

3.8

Il-fibri sintetiċi (PE, PP u poliamidi) li joriġinaw minn diversi prodotti industrijali jew tal-konsumatur li huma minsuġin/tad-drapp jew le; u l-fowms li jintużaw fl-imballaġġ u fil-kuxins jistgħu jispiċċaw fl-ambjent ukoll għaliex il-prodotti tad-drapp ma jinġabrux. Dan il-komponent tal-iskart ma jissemmiex fil-Komunikazzjoni.

3.9

Fir-rigward tat-tniġġis tal-baħar, l-iskart tal-plastik jagħmel il-parti l-kbira tat-tniġġis viżibbli li jgħum f'wiċċ l-ilma, u tal-partiċelli inviżibbli. Dan huwa problema għall-fawna tal-baħar, inklużi l-għasafar, il-mammiferi (delfini u baleni), fkieren u annimali oħrajn. Madankollu, id-densità baxxa tal-plastik tista' tiffaċilita l-miżuri ta' tindif.

3.10

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li tittejjeb il-preċiżjoni fl-analiżijiet tal-flussi ta' skart u materjali li fihom il-plastiks, inklużi l-analiżi dwar kif dan l-iskart jispiċċa fl-ambjent tal-baħar. Għandha tingħata wkoll attenzjoni għall-flussi prinċipali tal-materjali u nsegwu approċċ fejn nimxu pass pass u l-ewwel nindirizzaw l-aktar flussi importanti.

3.11

Hemm żewġ sorsi prinċipali ta' fdalijiet fl-ambjent tal-baħar li joriġinaw mill-art:

Bajjiet u xmajjar fejn in-nies sempliċiment jarmu l-iskart tagħhom;

Miżbliet li mhumiex ġestiti tajjeb jew saħansitra jinsabu qrib il-baħar jew ix-xmajjar; apposta sabiex ma jimtlewx malajr wisq.

Sors importanti ieħor huwa r-rimi irresponsabbli, intenzjonat jew negliġenti mill-bastimenti u x-xbieki tas-sajd mitlufa. Sfortunatement, f'dan l-istadju ma ġiet ippreżentata l-ebda analiżi ta' dawn is-sorsi sabiex ikunu jistgħu jsiru konklużjonijiet affidabbli.

3.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li, minħabba n-natura globali tal-problema fl-ambjent tal-baħar, il-miżuri ta' rimedju għandhom jiġu adottati u implimentati fil-livell globali wkoll. Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-iskart ta' kwalunke tip fl-UE ma jiġix sempliċiment esportat lejn partijiet oħra tad-dinja biex jintrema hemm (jekk jeżistu każijiet bħal dawn). Jekk l-iskart jista' jintuża mill-ġdid, allura ma jkunx għadu skart u għandu jiġi trattat bħala fluss utli ta' materja prima.

3.13

Il-Kumitat jinnota wkoll li l-identifikazzjoni u s-separazzjoni tal-flussi ta' skart kemm fis-sors fejn jinsabu kif ukoll ladarba jinġabru huma prerekwiżit għal riċiklaġġ li jirnexxi. Għandhom jiġu introdotti teknoloġiji ġodda li jkunu jistgħu jisseparaw metalli, plastiks u fibri taċ-ċelluloża, pereżempju mill-fluss ta' skart domestiku mħallat. Il-Kumitat jinnota wkoll li filwaqt li dawn it-teknoloġiji għandhom prezz f'termini ta' enerġija, m'hemmx dubju li jkun jaqbel li jsir aktar investiment fl-iżvilupp tagħhom.

3.14

Kienu involuti bosta partijiet interessati fl-aġenda dwar l-iskart u l-iskart tal-plastik. Huma ssuġġerew inizjattivi biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik u biex kemm jista' jkun jiġu rkuprati r-riżorsi prezzjużi. L-għarfien u l-kompetenzi tagħhom joffru bażi soda biex jintlaħaq progress pjuttost malajr biex l-iskart tal-plastik ma jibqax jintrema fil-miżbliet. Tali inizjattivi jistħoqqilhom appoġġ adegwat.

4.   Kummenti speċifiċi - tweġibiet għall-mistoqsijiet fil-Green Paper

4.1   Alternattivi ta' politika biex tittejjeb il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik fl-Ewropa

4.1.1

Il-plastik jista' jiġi indirizzat b'mod adatt fil-qafas leġislattiv attwali? Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart fis-seħħ titlob li 50 % (tal-piż) tal-iskart domestiku jiġi riċiklat, u b'hekk dan minnu nnifsu jitlob li tinħoloq infrastruttura għall-ġbir separat. Id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ tipprovdi qafas legali sabiex tiġi estiża r-responsabbiltà tal-manifatturi, bħalma jiġri fil-każ tad-Direttiva dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għall-plastiks f'tali prodotti. Il-Kumitat jifhem li dawn it-tliet atti leġislattivi ma ġewx infurzati tajjeb mal-UE kollha. Il-KESE għaldaqstant jirrakkomanda li jittejjeb l-infurzar u li jiġu aġġornati l-atti leġislattivi skont kif meħtieġ. Għandhom jiġu valutati b'mod xieraq il-konsegwenzi mhux intenzjonati u kwalunke lakuni li jiġu identifikati għandhom jitneħħew, wara li tkun saret analiżi esperta ta' biżżejjed data u proċessi relevanti.

4.1.2

Kif jistgħu jitfasslu bl-aħjar mod miżuri li jippromovu aktar riċiklaġġ tal-plastik? Kulma huwa meħtieġ iżjed huwa li l-miri f'dawn id-direttivi jiġu stabbiliti kif suppost. Madankollu, dan jitlob li jinżamm bilanċ bejn l-għanijiet tar-riċiklaġġ u dawk tal-użu tal-enerġija, sabiex ma jinħolqux spejjeż kbar għall-konsumatur u jiġi żgurat li ma titnaqqasx l-effikaċja ambjentali. Pereżempju, filwaqt li r-riċiklaġġ tal-plastiks tal-PE u tal-PET, li huma mifruxin sew, huwa affordabbli u effettiv għall-ambjent, dak ta' plastiks inqas komuni jkun jitlob trasport bi spejjeż għolja biex jinġarr lejn numru iżgħar ta' postijiet fejn, minħabba d-domanda baxxa għar-riċiklaġġ tagħhom, ikunu jinsabu l-impjanti speċjalizzati. Dan it-trasport fuq distanzi twal iwassal ukoll biex ir-riċiklaġġ isir anqas ekoloġiku mill-irkupru tal-enerġija. Il-problema hija kif niksbu fluss kontinwu tal-volum meħtieġ u bi kwalità kostanti. Il-linji gwida dwar l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom ikunu ta' għajnuna f'dan ir-rigward.

4.1.3

L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rekwiżiti għat-trattament tal-iskart fi ħdan il-leġislazzjoni attwali dwar il-miżbliet tista' tnaqqas biżżejjed il-livell attwali ta' rimi fil-miżbliet? Problema partikolari hija l-kunflitt bejn il-mira biex jitnaqqas il-piż tal-iskart tal-imballaġġ fis-sors tiegħu u r-rekwiżit ta' aktar riċiklaġġ. Dan minħabba li l-isforzi biex jitnaqqas il-piż, għalkemm huma effettivi biex ma jiżdiedux l-ammonti, jitolbu l-użu ta' imballaġġ li jkun fih diversi saffi magħmulin minn varjetà ta' plastiks li huma prattikament impossibbli biex jiġu riċiklati. Minflok isiru sforzi biex jitnaqqas il-piż għandu jintuża l-kunċett ta' "disinn għar-riċiklaġġ". Ir-regoli dwar dan għandhom jiġu emendati iżda għandhom jinżammu sempliċi kemm jista' jkun.

4.1.4

Approċċ utli ieħor jista' jkun li jintużaw premijiet jew mezzi oħra biex jitħeġġu soluzzjonijiet innovattivi għal problemi speċifiċi ta' imballaġġ, pereżempju dawk il-kontenituri tal-ħalib u l-meraq tal-frott li jkunu laminati u ekonomikament riċiklabbli jkunu ta' suċċess fis-suq (u saħansitra jista' jagħti l-każ li huma disponibbli diġà).

4.1.5

Liema miżuri jkunu adegwati u effettivi biex jippromovu l-użu mill-ġdid u l-irkupru tal-plastik minflok ir-rimi fil-miżbliet? Element importanti ħafna huwa l-konformità rigoruża u effettiva mal-obbligi dwar it-trattament tal-iskart inklużi fil-leġislazzjoni attwali dwar ir-rimi fil-miżbliet: l-implimentazzjoni tar-regoli b'mod konsistenti hija prerekwiżit assolut biex jiżdiedu kemm ir-riċiklaġġ kif ukoll ir-rimi kontrollat tal-iskart tal-plastik. Naturalment, l-eliminazzjoni gradwali tar-rimi tal-iskart tal-plastik fil-miżbliet tista' ttejjeb l-irkupru u r-riċiklaġġ, però l-iżvilupp ta' infrastruttura adegwata huwa prerekwiżit.

4.1.6

X'miżuri adatti oħrajn jistgħu jiddaħħlu biex l-irkupru tal-iskart tal-plastik jitressaq 'il fuq fil-ġerarkija tal-iskart? Projbizzjoni tal-użu ta' miżbla jew tassazzjoni projbittiva rigward is-siti iwasslu biss għal espansjoni enormi fl-irkupru tal-enerġija mill-iskart imħallat, inklużi l-plastiks. L-eliminazzjoni gradwali tar-rimi ta' plastik fil-miżbliet għandha tiġi ġestita tajjeb sabiex jiġi żgurat li dan ma jwassalx sempliċement għal inċinerazzjoni estensiva. Minkejja dan, tingħata preferenza lill-inċinerazzjoni pjuttost milli r-rimi, speċjalment ir-rimi illegali bla kontroll.

4.1.7

Biex it-taxxa fuq l-irkupru tal-enerġija jkollha l-effetti mixtieqa, din trid tkun imfassla sew u jrid jitqies ix-xenarju wiesa', jiġifieri għandu jitqies l-impatt fuq flussi alternattivi u, pereżempju, fuq il-possibbiltà li jintuża element idrokarbur prattikament pur mill-plastiks tal-polyolefin għall-produzzjoni ta' karburanti alternattivi likwidi.

4.1.8

Fl-Ewropa, għandha ssir promozzjoni tal-ġbir separat tal-iskart kollu tal-plastik minn fuq l-għatba tal-bieb flimkien ma' skemi ta' ħlas skont kemm tarmi għall-iskart li jifdal? Is-separazzjoni tal-plastiks minn flussi ta' materjali oħra hija mixtieqa, u għalhekk għandhom jiġu stabbiliti multi sabiex jiġu skoraġġuti prattiki ħżiena, iżda m'għandniex nissottovalutaw uħud mid-diffikultajiet f'dan ir-rigward. Dawn jinkludu l-problemi ekonomiċi u ambjentali fundamentali li jagħmlu r-riċiklaġġ tal-plastiks aktar diffiċli, jiġifieri l-ħtieġa tat-trasport ta' ammonti kbar (minkejja li huma ħfief) fuq distanzi twal. Tista' ssir eċċezzjoni għall-impożizzjoni ta' ġbir separat fuq kull produttur tal-iskart meta l-ispejjeż tat-trasport jirriżultaw akbar mill-benefiċċji tar-riċiklaġġ f'dawk il-każijiet fejn ftit ikun hemm plastik għas-separazzjoni.

4.1.9

Huma meħtieġa miri speċifiċi għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik sabiex jiżdided ir-riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik? Filwaqt li jkun possibbli li tiddaħħal mira speċifika fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ikun għaqli li dan isir wara li ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tad-direttiva fis-seħħ.

4.1.10

Hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri kontra riċiklaġġ inferrjuri jew dumping ta' skart ta' plastik riċiklabbli esportat lejn pajjiżi terzi? L-iskart tal-plastik għar-riċiklaġġ sar komodità kummerċjalizzata mad-dinja kollha. Ir-rimi fil-miżbliet f'pajjiżi terzi huwa improbabbli ħafna, minħabba li l-korpi barranin mhux se jixtru l-iskart tal-plastik għal dan il-għan. L-ispejjeż tat-trasport tal-imballaġġ tal-plastik huma għoljin ferm, u b'hekk l-esportazzjoni għar-rimi fil-miżbliet diffiċli li sseħħ. Id-definizzjoni ta' "riċiklaġġ inferjuri" hija diffiċli immens, bħalma huwa l-monitoraġġ tar-regolamenti dwar dan, u għaldaqstant il-miżuri kontra tali riċiklaġġ pjuttost li ma jistgħux jiġu infurzati u faċli ma jiġux segwiti.

4.1.11

L-azzjoni voluntarja ulterjuri, partikolarment mill-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut tkun strument adatt u effettiv? L-azzjoni volontarja, partikolarment dik tal-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut, tista' tkun strument adatt u effettiv biex tinkiseb effiċjenza aħjar tar-riżorsi fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tal-plastik, speċjalment f'rabta mal-ftehimiet dwar l-użu tal-imballaġ tal-plastik li jkun fih elementi li jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ (taħlit ta' materjali, lewn, eċċ.).

4.2   Niffukaw fuq l-imġiba tal-konsumatur

4.2.1

Hemm lok għal żvilupp ta' sistemi ta' depożitu u rifużjoni jew ta' kera għal kategoriji speċifiċi ta' prodotti tal-plastik? Hemm bżonn li niffukaw fuq l-imġiba personali u volontarja tal-konsumaturi mingħajr detriment għall-ġbir tal-iskart u proċessi ta' riċiklaġġ aktar iffukati – li ħafna minnhom jiddependu mid-disponibbiltà ta' fondi tal-awtoritajiet lokali, sakemm ma jkunux iħallu qligħ kummerċjali għall-operaturi. Minħabba li kważi l-awtoritajiet kollha, anke fil-Ġermanja, issa għandhom nuqqas ta' fondi, jagħmel sens li jiġu proposti soluzzjonijiet li ma jiħtiġux sussidji għolja, u b'hekk jifdal aktar flus għall-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura soċjali jew l-infurzar, eċċ.

4.2.2

Ftit hemm lok għal rifużjoni tad-depożitu u sistemi simili Madankollu, sistemi bħal dawn jeżistu diġà fir-relazzjonijiet bejn negozju u ieħor u m'għandhomx bżonn appoġġ speċjali. Qasam wieħed fejn dan jista' jsir huwa fl-imballaġġ tax-xarbiet. Is-separazzjoni ta' fluss ta' skart b'rabta mar-rifużjoni tad-depożitu mill-bqija tal-iskart l-ieħor tista' toħloq ċerta konfużjoni għall-konsumatur, u l-ġbir tal-oġġetti l-oħrajn mingħajr rifużjoni jsir anqas effettiv u l-għażla tal-iskart issir anqas ekonomika. Għaldaqstant jeħtieġ li flimkien mal-implimentazzjoni ta' dan it-tip ta' sistemi tingħata informazzjoni tajba.

4.2.3

Liema tip ta' informazzjoni tħoss li hemm bżonn sabiex il-konsumaturi jingħataw ir-responsabbiltà li jagħtu kontribut dirett għall-effiċjenza tar-riżorsi fl-għażla ta' prodott tal-plastik? Mhux faċli biex il-konsumaturi jipparteċipaw direttament. Sabiex l-imġiba tal-konsumatur tinbidel verament, ma neħtiġux biss sensibilizzazzjoni iżda aktar minn hekk prodotti faċli għall-utent u sistemi li jagħmluha faċli lill-konsumaturi biex jagħmlu l-għażliet tajbin, kemm fix-xiri tal-prodott kif ukoll meta jarmu l-iskart. L-informazzjoni dwar l-għażla tal-plastiks fil-ġbir separat tal-iskart domestiku, jiġifieri t-tikkettjar tal-oġġetti jew l-istruzzjonijiet għas-separazzjoni, hija rilevanti ħafna. L-informazzjoni obbligatorja dwar il-kontenut kimiku tal-iskart riċiklabbli għandha tingħata b'mod ċar u li jinfiehem sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni informata.

4.2.4

L-informazzjoni dwar il-kontenut kimiku tal-plastiks kif tista' ssir disponibbli għall-atturi kollha fil-katina tar-riċiklaġġ tal-iskart? L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni kimika tal-plastiks jew il-prodotti magħmulin mill-plastik hija disponibbli minnufih fl-istadju tal-bejgħ. Il-valur ta' tali informazzjoni għall-konsumatur huwa dubjuż: dan ser ikun possibbli biss permezz ta' sistemi li faċli jinftehmu u faċli jinqraw, filwaqt li fil-manifattura tal-plastiks u l-materjali tal-imballaġġ jintużaw sustanzi li tkun ġiet iċċekkjata s-sikurezza tagħhom abbażi ta' testijiet tal-espożizzjoni u l-impatt (REACH).

4.2.5

Kif jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod l-isfidi li joriġinaw mill-użu tal-mikroplastiks fil-prodotti jew il-proċessi industrijali kif ukoll mill-użu tan-nanopartiċelli fil-platiks? Il-kwistjoni tal-mikroplastiks u n-nanopartiċelli fil-plastiks teħtieġ analiżi dwar il-punt sa fejn dawn – il-kostitwenti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma inerti u jintużaw f'konċentrazzjonijiet baxxi – jistgħu jidħlu fl-ambjent fi kwantitajiet li joħolqu riskju. Fil-fatt, hemm żewġ kwistjonijiet separati: mikroplastiks, jew aħjar, fdalijiet tal-plastik u nanopartiċelli. It-tnejn li huma għandhom jiġu trattati separatament minħabba l-oriġini u l-effetti tagħhom. Madankollu, ftit huwa magħruf dwar l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bnieden u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja fl-ambjent tal-baħar. B'mod ġenerali, il-ġestjoni adatta tal-iskart tgħin biex tissolva parti mhux ħażin ta' din il-problema. Nistgħu nassumu li l-inċidenza ta' fdalijiet ta' plastiks ilha għal dawn l-aħħar 50 sena – u hija sinifikanti fejn jiġi ppruvat li toħloq jew iżżid ir-riskji għall-ħajja tal-bniedem u għall-ambjent.

4.3   Il-kapaċità tal-plastiks u l-prodotti tagħhom biex iservu fit-tul

4.3.1

Il-politika dwar id-disinn tal-prodotti għandha tindirizza l-obsolenza tal-prodotti tal-plastik u timmira biex ittejjeb l-użu mill-ġdid u d-disinn modulari sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun l-iskart tal-plastik? L-iskart tal-plastik minn ċerti prodotti jinħoloq għaliex jispiċċa l-użu tagħhom mal-milja tal-innovazzjoni teknika. Għal prodotti oħrajn, bħat-twieqi, komponenti tal-karozzi, għamara, oġġetti fid-dar, tagħmir mediku, materjali tal-kostruzzjoni, insulazzjoni tal-elettriku u tat-tisħin, żraben, ilbies u ħafna applikazzjonijiet oħra, il-kapaċità tagħhom biex iservu fit-tul hija aspett kritiku. Dawn il-prodotti ma jagħmlux parti sinifikanti mill-volumi totali tal-iskart tal-plastik u normalment ma jinstabux fl-iskart domestiku. Il-miżuri ta' politika biex jindirizzaw il-kapaċità tal-prodotti biex iservu fit-tul ma tħalli l-ebda impatt importanti fuq il-kwantità ta' skart, iżda tista' tolqot ħażin il-kompetittività tal-prodotti tal-UE. Ġeneralment ir-rekwiżiti tal-ekodisinn mhux se jaffetwaw dan il-qasam għax dawn primarjament jirrigwardaw il-funzjoni u l-effiċjenza ambjentali tal-prodott bażiku, u mhux tal-komponenti tiegħu tal-plastik.

4.3.2

Għandhom jiġu introdotti strumenti bbażati fuq is-suq sabiex tittieħed kunsiderazzjoni aktar preċiża tal-ispejjeż ambjentali mill-produzzjoni tal-plastik sar-rimi tiegħu? Jeħtieġ li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-kompenenti tal-plastik fil-prodotti u għall-materji prima oħrajn tiġi studjata fid-dettall, u dan minħabba d-diversità kbira ħafna tal-prodotti. B'hekk jiġi evitat li jkun hemm piż amministrattiv eċċessiv, tfixkil tal-kompetittività u, fl-istess ħin, inkoraġġiment tal-importazzjonijiet. L-analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja li huma neċessarji jridu jiġu applikati għall-materjali kollha li jħabbtuha mal-plastiks u għandha tiġi assigurata wkoll l-applikazzjoni tagħhom fil-każ tal-oġġettii importati minn pajjiżi terzi.

4.3.3

Kif tista' tiġi indirizzata bl-aħjar mod iż-żieda fl-ammont ta' skart ikkawżata mill-prodotti tal-plastik li ma jservux għal żmien twil jew li jintużaw darba u jintremew? Il-piż tal-iskart li jirriżulta mill-prodotti tal-plastik li għandhom ħajja qasira u jintużaw darba biss jista' jiġi trattat bl-aħjar mod permezz tal-ġbir separat skont it-tip ta' plastik u permezz tal-għażla ta' dan l-iskart Xi pajjiżi jirnexxielhom jagħmlu dan filwaqt li oħrajn ifallu minħabba spejjeż ogħla.

4.4   Il-plastik bijodegradabbli

4.4.1

Liema huma dawk l-applikazzjonijiet fejn għandu jitħeġġeġ l-użu ta' plastiks bijodegradabbli? Fil-preżent huwa diffiċli li jiġi identifikat xi qasam fejn huwa ppruvat li l-plastiks bijodegradabbli għandhom xi benefiċċju mingħajr effetti sekondarji. Il-plastiks bijodegradabbli jingħataw preferenza f'applikazzjonijiet fejn m'hemmx dubju li r-riċiklaġġ mhux possibbli, bħal fil-każijiet fejn l-oġġett tal-plastik huwa mħallat mal-ikel jew ma' skart ieħor, li huwa primarjament maħsub għall-ikkompostjar. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi żgurat li dawn il-plastiks ikunu jistgħu jingħarfu b'mod ċar u jiġu sseparati sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-proċessi tar-riċiklaġġ.

4.4.2

Tkun ħaġa tajba li jiġu msaħħa r-rekwiżiti legali eżistenti billi ssir distinzjoni ċara bejn plastiks kompostabbli b'mod naturali u dawk li huwa teknikament bijodegradabbli? Problemi bħal dawn iridu jiġu diskussi fil-livell tal-esperti, abbażi ta' informazzjoni u data rilevanti. It-tagħrif dwar dan is-suġġett irid jitwessa'.

4.4.3

L-użu tal-plastik osso-degradabbli (oxo-degradable plastic) ikollu bżonn ta' xi intervent sabiex jiġu assigurati l-proċessi ta' riċiklaġġ? Il-KESE ma għandux biżżejjed informazzjoni biex jappoġġja jew jiċħad l-użu ta' plastiks osso-degradabbli.

4.4.4

Kif għandhom jitqiesu l-plastiks b'bażi bijoloġika fir-rigward tal-ġestjoni ta' skart tal-plastik u l-konservazzjoni tar-riżorsi? Jekk għandha ssir il-promozzjoni ta' plastiks b'bażi bijoloġika, dan għandu jkun ibbażat fuq analiżi bir-reqqa taċ-ċiklu tal-ħajja. Għandu jiġi rikonoxxut li mhux kulma huwa ġdid huwa bilfors "bijo" (pereżempju l-plastiks ibbażati fuq il-kaseina ntużaw fil-passat) u l-esperjenza tal-passat teħtieġ tiġi vvalutata b'mod kritiku ħafna. Il-plastiks b'bażi bijoloġika mhumiex bijodegradabbli; il-bijodegradabbiltà hija karatteristika materjali intrinsika marbuta mal-istruttura molekulari tal-polimer.

4.5   Inizjattivi tal-UE li jikkonċernaw l-iskart fil-baħar inkluż l-iskart tal-plastik; miżuri internazzjonali

4.5.1

X'azzjonijiet oħrajn minbarra dawk deskritti f'din il-Green Paper jistgħu jiġu kkunsidrati biex jitnaqqas iż-żibel fil-baħar? L-analiżijiet dwar kif l-iskart tal-plastik jispiċċa fl-ambjent tal-baħar, kemm jekk hux b'mod aċċidentali kif ukoll permezz ta' proċessi sistemiċi, għandhom jiġu vverifikati u mifruxa mal-livell internazzjonali u dak Ewropew. Abbażi ta' dan, għandha titqies il-possibbiltà ta' projbizzjoni totali tar-rimi tal-iskart, inkluż il-plastiks, fil-baħar. M'hemmx għalfejn ngħidu li, idealment, għandu jibqa' għaddej ix-xogħol biex il-pubbliku jiġi mgħarraf u jingħata inċentivi, inkluż it-tindif tal-bajjiet u attivitajiet oħrajn, sabiex tintlaħaq bidla ġenerali fl-attitudnijiet tal-pubbliku.

4.5.2

B'liema mod jista' l-issettjar ta' miri kwantitattivi biex inaqqsu ż-żibel fil-baħar, u applikabbli mal-UE kollha, jipprovdi valur miżjud għal miżuri li jnaqqsu l-iskart tal-plastik b'mod ġenerali? L-issettjar ta' miri kwantitattivi biex jitnaqqas l-iskart fl-oċeani mhu se jkollu l-ebda effett biex irażżan l-iskart tal-plastik minħabba li dan fil-fatt qatt ma kien maħsub bħala skart u għalhekk, legalment, qatt ma ġie trattat bħala skart. F'dan il-każ l-għan li jrid jitfassal huwa wieħed biex titwaqqaf l-imġiba ħażina tan-nies li jarmu l-iskart barra minn postu. Din hija primarjament kwsitjoni ta' inċentiv lill-pubbliku fil-livelli nazzjonali, u l-ewwel u qabel kollox, fil-livell lokali – anke meta n-nies imorru fuq btala xi mkien ieħor; is-sjieda u r-responsabbiltà jimxu id f'id.

4.5.3

Kif tista' l-UE tippromovi l-azzjoni internazzjonali b'mod aktar effettiv biex ittejjeb il-ġestjoni tal-iskart tal-plastik globalment? Rigward il-proposta ta' miżuri internazzjonali li jistgħu jiddaħħlu għall-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar u ż-żoni kostali, għandna nagħtu bidu għal studji li jevalwaw is-sitwazzjoni fejn dawn għadhom ma sarux, u għandna nipproponu soluzzjonijiet għall-problemi huma u jiġu identifikati fin-negozjati bilaterali u multilaterali ma' pajjiżi u reġjuni terzi.

4.5.4

Il-KESE japprezza ferm l-inizjattivi organizzati minn diversi gruppi ta' interess biex tittaffa din il-problema serja. L-UE tista' tipproponi inizjattiva internazzjonali biex torganizza t-tindif tal-agħar akkumulazzjonijiet ta' skart tal-plastik li jgħum f'wiċċ l-oċeani. Għadha tieħu dawk il-passi li tista' sabiex ma tħallix li l-iskart tal-plastik li joriġina fl-Ewropa jispiċċa fil-baħar; u għandha tikkunsidra l-użu ta' programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp biex tippromovi u tappoġġa prattiki ta' ġestjoni tal-iskart li huma aktar sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari sabiex titnaqqas l-akkumulazzjoni ta' skart tal-plastik minn dawk il-pajjizi fl-oċeani.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2011) 571.


APPENDIĊI I

għall-Opinjoni tal-Kumitat

Il-paragrafi li ġejjin tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġew emendati sabiex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 4.1.8

Fl-Ewropa, għandha ssir promozzjoni tal-ġbir separat tal-iskart kollu tal-plastik minn fuq l-għatba tal-bieb flimkien ma' skemi ta' ħlas skont kemm tarmi għall-iskart li jifdal? Is-separazzjoni tal-plastiks minn flussi ta' materjali oħra hija mixtieqa iżda m'għandniex nissottovalutaw uħud mid-diffikultajiet f'dan ir-rigward. Dawn jinkludu l-problemi ekonomiċi u ambjentali fundamentali li jagħmlu r-riċiklaġġ tal-plastiks aktar diffiċli, jiġifieri l-ħtieġa tat-trasport ta' ammonti kbar (minkejja li huma ħfief) fuq distanzi twal. L-impożizzjoni ta' ġbir separat fuq kull produttur tal-iskart iġġib magħha r-riskju li l-ispejjeż tat-trasport jirriżultaw akbar mill-benefiċċji tar-riċiklaġġ f'dawk il-każijiet fejn ftit ikun hemm plastik għas-separazzjoni. B'riżultat t'hekk, dan ma għandux ikun rekwiżit li japplika mal-UE kollha u d-dettalji għandhom jitħallew għall-Istati Membri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

74

Kontra

:

50

Astensjonijiet

:

22

Punt 4.1.11

L-azzjoni voluntarja ulterjuri, partikolarment mill-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut tkun strument adatt u effettiv? L-azzjoni volontarja, partikolarment dik tal-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut, tista' tkun strument adatt u effettiv biex tinkiseb effiċjenza aħjar tar-riżorsi fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tal-plastik, speċjalment f'rabta mal-ftehimiet dwar l-użu tal-imballaġ tal-plastik li jkun fih elementi li jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ (taħlit ta' materjali, lewn, eċċ.). Madankollu, dan jista' jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, għax jimplika li jkun hemm ftehimiet li jikkoordinaw il-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni. Jista' wkoll iżid is-sens ta' fastidju tal-pubbliku fir-rigward tal-indħil tal-UE f'oqsma tal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini li diġà huma diffiċli. Irid jiġi vverifikat x'jiġri fir-realtà qabel isiru suġġerimenti dwar soluzzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jfallu.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

77

Kontra

:

57

Astensjonijiet

:

15

Punt 4.2.3

Liema tip ta' informazzjoni tħoss li hemm bżonn sabiex il-konsumaturi jingħataw ir-responsabbiltà li jagħtu kontribut dirett għall-effiċjenza tar-riżorsi fl-għażla ta' prodott tal-plastik? Mhux faċli biex il-konsumaturi jipparteċipaw direttament. Sabiex l-imġiba tal-konsumatur tinbidel verament, ma neħtiġux biss sensibilizzazzjoni iżda aktar minn hekk prodotti faċli għall-utent u sistemi li jagħmluha faċli lill-konsumaturi biex jagħmlu l-għażliet tajbin, kemm fix-xiri tal-prodott kif ukoll meta jarmu l-iskart. L-unika parti ta' informazzjoni li hija rilevanti għall-konsumaturi hija dik dwar l-għażla tal-plastiks fil-ġbir separat tal-iskart domestiku, jiġifieri t-tikkettjar tal-oġġetti jew l-istruzzjonijiet għas-separazzjoni. L-informazzjoni obbligatorja dwar il-kontenut kimiku tal-iskart riċiklabbli tkun kontroproduttiva, minħabba li l-konsumaturi jistgħu ma jieħdu l-ebda deċiżjoni informata dwar l-azzjonijiet meħtieġa.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

74

Kontra

:

66

Astensjonijiet

:

13

Punt 4.2.4

L-informazzjoni dwar il-kontenut kimiku tal-plastiks kif tista' ssir disponibbli għall-atturi kollha fil-katina tar-riċiklaġġ tal-iskart? L-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni kimika tal-plastiks jew il-prodotti magħmulin mill-plastik hija disponibbli minnufih fl-istadju tal-bejgħ. Tabilħaqq ma jkunx realistiku li wieħed jistenna li din tinżamm fil-fażi tar-riċiklaġġ u l-ipproċessar tal-iskart. Il-valur ta' tali informazzjoni għall-konsumatur huwa dubjuż: huwa aktar effettiv li, fil-manifattura tal-plastiks u l-materjali tal-imballaġġ, jintużaw sustanzi li tkun ġiet iċċekkjata s-sikurezza tagħhom abbażi ta' testijiet tal-espożizzjoni u l-impatt (REACH).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

86

Kontra

:

51

Astensjonijiet

:

6


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta”

COM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD)

2013/C 341/15

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar is-27 ta' Marzu 2013 u nhar il-15 ta' April 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2), 100(2), 192(1), 194(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta

COM(2013) 133 final — 2013/0074 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'185 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifakkar li 50 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tgħix fiż-żona kostali. Dan ifisser li l-politiki dwar il-ġestjoni tal-kosta u l-ippjanar spazjali marittimu huma partikolarment importanti għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk tintlaqa' b'mod partikolari r-rieda li tiġi organizzata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti kemm fl-istess Stati Membri kif ukoll bejniethom, u b'mod aktar speċifiku f'dak li jirrigwarda ż-żoni transkonfinali, bil-għan li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili attivi f'dawn iż-żoni jiġu involuti bis-sħiħ.

1.2

Huwa jinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat approċċ parteċipattiv li jiġbor fih lil dawk kollha li huma attivi, jaħdmu jew joperaw fiż-żoni kostali u marittimi bil-għan li l-konsultazzjoni twassal għal riżultati konkreti. Fil-fatt minkejja li kulħadd jappoġġja l-għanijiet tal-Kummissjoni, huwa l-metodu tal-implimentazzjoni li jiddetermina s-suċċess tal-applikazzjoni tad-Direttiva. L-attivitajiet żviluppati fiż-żoni marittimi kkonċernati huma diversi ħafna: sajd professjonali, akkwakultura, sajd rikreattiv, trasport marittimu, turiżmu, għadis, attivitajiet militari, użu tas-sorsi tal-enerġija. Dawn jikkompetu ma' xulxin iżda jistgħu wkoll jikkomplementaw lil xulxin.

1.3

Biex tkun effettiva, il-konsultazzjoni trid issir fil-livell lokali. L-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats (Natura 2000) u dwar l-Istrateġija Marina wriet li hemm bżonn tinħoloq dinamika territorjali. Minkejja d-diversità tal-interessi kkonċernati, huwa fundamentali li dawk li jużaw it-territorju tal-baħar ikunu jistgħu jitkellmu b'lingwaġġ komuni u jikkondividu objettivi ċari u li jistgħu jinkisbu. Il-metodoloġija, għalhekk, hija importanti ħafna sabiex tinħoloq dinamika ta' grupp. Din għandha neċessarjament tibda b'rikonoxximent kunsenswali tas-sitwazzjoni eżistenti abbażi tar-realtà tat-territorji u l-iżviluppi mistennija tal-attivitajiet li jsiru fihom.

1.4

Sabiex ir-regoli jiġu aċċettati, l-objettivi u l-azzjonijiet implimentati jridu jkunu ċari u trasparenti. Ir-regoli jridu qabel kollox jiġu mifhuma sabiex jiġu rispettati. Il-prinċipju ewlieni warajhom irid ikun ċar għall-partijiet ikkonċernati kollha u l-istrutturar tal-ispazju marittimu u kostali għandu jkun gradwali u integrat.

1.5

Apparti l-prinċipju li l-konsultazzjoni tiġi organizzata b'mod sistematiku, hemm bżonn li jiġu definiti prijoritajiet għall-attivitajiet li jistgħu jsiru fl-ispazji marittimi u fiż-żoni kostali. Dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti minn qabel u bilfors ivarjaw skont il-kuntest partikolari ta' kull waħda minnhom kemm fil-livell ġeografiku, ekoloġiku, uman kif ukoll ekonomiku. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà irid jiġi applikat f'dan il-qasam kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri.

1.6

Il-Kumitat jinnota li mhux l-Istati Membri biss huma kkonċernati u li l-konsultazzjoni trid tiġi organizzata wkoll bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll bejn is-setturi ekonomiċi. L-imsieħba soċjali għandhom ukoll jiġu involuti f'din il-konsultazzjoni, b'mod partikolari peress li xi deċiżjonijiet jista' jkollhom impatt fuq l-impjieg (pereżempju fis-setturi tas-sajd jew tat-turiżmu) u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Huwa jfakkar li l-implimentazzjoni ta' Natura 2000 diġà qed tistrieħ fuq diversi forom ta' governanza lokali.

1.7

Fil-prattika, id-diffikultajiet tal-implimentazzjoni jinbtu l-aktar mill-fatt li s-sistemi legali huma differenti fuq l-art u fuq il-baħar, għalkemm iż-żewġ spazji jiddependu minn xulxin u jidħlu f'xulxin. Barra minn hekk, l-approċċi għall-problemi faċilment jistgħu jsiru korporatisti. Għalhekk jeħtieġ li jinstab il-bilanċ ġust bejn l-interessi leġittimi u l-bżonnijiet tal-ġid komuni, mingħajr preġudizzji ideoloġiċi.

1.8

Sabiex nibqgħu kemm jista' jkun qrib tar-realtajiet ta' kuljum, il-KESE japprova l-prinċipju li l-programmi tal-ippjanar u tal-istrateġiji ta' ġestjoni jiġu riveduti regolarment, iżda jenfasizza li m'għandniex ningħalqu f'approċċ regolatorju tal-affarijiet. L-għan huwa l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem f'żona li qed tinbidel u li hija fraġli. Għalhekk huwa importanti li naħsbu f'termini ta' fluss, jiġifieri b'mod dinamiku.

1.9

Il-kwistjoni tas-sorsi ta' finanzjament ta' dawn il-politiki hija naturalment importanti ferm. Huma ser jagħmlu użu mill-fondi tal-politika marittima integrata iżda jistgħu jintużaw ukoll fondi oħra, bħal dawk tal-politika tas-sajd, tal-ġestjoni tal-ambjent (Natura 2000), tal-iżvilupp reġjonali jew saħansitra tal-PAK. Għaldaqstant irid jiġi żgurat li d-diversi sorsi ta' finanzjament ma jostakolawx l-implimentazzjoni tal-politiki kkonċernati. L-istrateġiji makroreġjonali jridu jippermettu li tingħata koerenza lid-diversi fondi ta' koeżjoni.

1.10

Il-KESE jenfasizza li dan il-finanzjament hu partikolarment importanti sabiex ikun jista' jsir segwitu uman dinamiku tal-konsultazzjonijiet u tal-azzjonijiet li jseħħu fil-kuntest tad-Direttiva l-ġdida. Mingħajr il-kontribut tal-persuni li jafu kif għandhom jiffokkaw l-attenzjoni u jappoġġjaw din l-implimentazzjoni, l-isforzi li saru jirriskjaw li jkunu saru għalxejn jew ma jkollhomx futur.

1.11

Peress li huwa magħruf li l-parti l-kbira tal-problemi ekoloġiċi tal-baħar ġejjin mill-iskart tal-art, jidher loġiku li l-ippjanar marittimu jiġi akkumpanjat minn pjanar tal-art taż-żoni qrib il-kosta li jkun koordinat jew saħansitra integrat.

1.12

Il-KESE jenfasizza wkoll li xi Stati Membri jinsabu f'sitwazzjonijiet partikolari. B'hekk kważi ż-żoni kostali Pollakki kollha huma klassifikati bħala Natura 2000, li jwassal biex il-konvivenza bejn attivitajiet ekonomiċi ġodda u l-ħarsien tal-ambjent tkun waħda delikata (fil-fatt, bħalma jiġri fuq l-art, l-attivitajiet ekonomiċi attwali jew dawk li għaddejjin bħalissa jiġu inklużi fid-dokumenti mmirati).

1.13

Fil-qasam tal-valutazzjoni, tal-ġbir tad-data u tal-iskambju tal-informazzjoni, il-kriterji jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Għaldaqstant ikun tajjeb li l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi speċi ta' "qafas ta' interpretazzjoni" komuni biex il-valutazzjonijiet u d-data miġbura jkunu koerenti u paragunabbli.

1.14

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li noqogħdu attenti ħafna li l-leġislazzjoni l-ġdida ma tikkontradixxix l-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet li diġà hemm fis-seħħ, bħad-Direttiva dwar il-Ħabitats (Natura 2000) u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina, iżda għall-kuntrarju għandha ssaħħaħhom anke meta jkunu jinsabu biss fil-bidu tal-implimentazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, din id-Direttiva l-ġdida għandha titqies bħala pilastru ġdid fl-istruttura tal-politika marittima integrata tal-Unjoni Ewropea.

1.15

Fl-aħħar, il-Kumitat jinsisti li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku prevista fl-Artikolu 9 tal-proposta għandha tiġi organizzata kemm jista' jkun viċin ir-realtajiet lokali peress li kull żona kkonċernata għandha l-karatteristiċi partikolari tagħha kemm fuq il-pjan ambjentali u dak ġeografiku kif ukoll dak ekonomiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din il-proposta hija element tal-politika li għandha l-għan li tagħti lill-Unjoni Ewropea dimensjoni marittima b'saħħitha. Din hija ambizzjoni naturali meta wieħed iqis it-tul tal-kosta Ewropea u l-firxa taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħha, fosthom dawk tar-reġjuni ultraperiferiċi, li huma importanti ħafna għal xi Stati Membri bħal Spanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Irlanda jew il-Portugall.

2.2

Għall-Kummissjoni, l-isfida hija li jiġu kkonċiljati l-eżiġenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Li tidher ħaġa bażika. Din l-aspirazzjoni tirrigwarda kemm l-ippjanar tal-ispazju marittimu kif ukoll il-ġestjoni integrata taż-żoni kostali fejn iseħħu l-interazzjonijiet kumplessi bejn il-baħar u l-art.

2.3

L-għan tal-proposta huwa, fil-kliem tas-soltu, il-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli tal-attivitajiet marittimi u kostali u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ta' dawn iż-żoni.

2.4

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tara ġestjoni ppjanata u kkoordinata ta' dawn l-ispazji biex jiġu evitati l-kunflitti tal-użu u jintużaw b'mod armonjuża. Jirriżulta li l-azzjoni proposta mhix settorjali iżda trasversali. Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni tat-test huwa wiesa' ħafna u dan jista' jqajjem dubji dwar l-implimentazzjoni konkreta tiegħu.

2.5

L-Istati Membri huma mistennija li jikkooperaw flimkien u huma responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni integrata. Dan jirrikjedi l-koordinazzjoni tal-politiki settorjali nazzjonali jew reġjonali biex tinħoloq koerenza, anke f'dimensjoni transkonfinali. Mandankollu, ta' min wieħed jinnota li din il-proposta għal Direttiva ma tapplikax għal "attivitajiet li l-uniku għan tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali".

3.   Għanijiet mixtieqa

3.1

Il-Kummissjoni tixtieq li l-Istat Membri jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' ppjanar tal-ispazju marittimu u strateġija waħda jew aktar għall-ġestjoni taż-żoni kostali. Naturalment dawn l-istrumenti jridu jqisu kemm is-sitwazzjonijiet partikolari reġjonali u intrareġjonali kif ukoll l-attivitajiet settorjali.

3.2

B'dawn il-prinċipji ġenerali stabbiliti, fil-konkret dan ifisser:

li jingħata kontribut biex tiġi garantita l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi jintużaw l-enerġiji tal-baħar (il-kurrenti, it-tibdil fil-livelli tal-ilma, il-mewġ, ir-riħ, eċċ.);

li t-trasport marittimu jiġi żviluppat b'mod effikaċi;

li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura;

li jiġu garantiti l-preservazzjoni u t-titjib tal-ambjent;

li ż-żoni kostali jkunu jistgħu jadattaw ruħhom u jirreżistu l-effetti tat-tibdil fil-klima.

4.   L-esiġenzi tal-Kummissjoni

4.1

Bħalma tagħmel is-soltu, il-Kummissjoni tiddefinixxi għadd ta' obbligi xi ftit jew wisq burokratiċi li għandhom l-għan li jagħmluha possibbli li jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn l-obbligi jinkludu:

il-koordinazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri;

il-kooperazzjoni transkonfinali;

l-għarfien tal-effetti transkonfinali tal-politiki li jiġu implimentati.

4.2

Għall-programmi tal-ippjanar iridu jiġu kkunsidrati l-attivitajiet marbutin mal-enerġija rinnovabbli, l-esplojtazzjoni tal-bjar tal-gass u taż-żejt, it-trasport marittimu, il-kanali u l-cables ta' taħt il-baħar, is-sajd, l-akkwakultura u s-siti tal-konservazzjoni tan-natura.

4.3

F'dak li jirrigwarda l-istrateġiji tal-ġestjoni taż-żoni kostali jridu jitqiesu l-użu tar-riżorsi naturali, l-aktar fil-qasam tal-enerġija, l-iżvilupp tal-infrastruttura (enerġija, portijiet, xogħlijiet marittimi, eċċ.), l-agrikoltura u l-industrija, is-sajd u l-akkwakultura, il-ġestjoni u l-ħarsien tal-ekosistemi, tas-siti u tal-pajsaġġi kostali, u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.

4.4

It-test jipprevedi li l-Istati Membri jridu jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex il-pubbliku jipparteċipa fit-tfassil tal-pjani u l-istrateġiji tal-ġestjoni taż-żoni kostali, ħaġa li hija ta' interess speċjali għall-KESE.

4.5

Dan kollu jiġi implimentat b'mod effikaċi biss jekk tiġi stabbilita kooperazzjoni ġenwina bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi, anke peress li l-ispazji marittimi huma, min-natura tagħhom, spazji miftuħin f'interazzjoni kontinwa bejniethom.

5.   L-implimentazzjoni fil-prattika

5.1

Hija r-responsabbiltà ta' kull Stat Membru li jaħtar l-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw d-Direttiva u jgħaddi l-lista tagħhom lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll ir-responsabbiltà li lill-Kummissjoni jibagħtulha r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Huwa għaqli li d-deċiżjoni tittieħed kemm jista' jkun qrib il-persuni kkonċernati (dawk li jużaw il-baħar) u tar-realtajiet territorjali.

5.2

It-test jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tuża atti ta' implimentazzjoni sabiex tiċċara xi data jew rekwiżiti amministrattivi, li huwa perfettament aċċettabbli sakemm dan ma jsirx mezz biex jinħolqu obbligi ġodda mhux previsti fit-test ta' referenza.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

Il-qasam kopert minn din il-proposta huwa estiż ħafna u jiżdied mat-testi li diġà jeżistu: id-Direttiva dwar il-Ħabitats, magħrufa aħjar bl-isem Natura 2000, u d-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina li tirrigwarda l-ispazji kostali tal-baħar kollha. Dan kollu huwa ġestit minn korpi ġodda ta' governanza lokali, reġjonali jew nazzjonali.

6.2

Għalhekk il-mistoqsija ewlenija hija kif ser tiġi sinkronizzata u kkoordinata l-leġislazzjoni l-ġdida ppjanata mad-Direttivi attwali.

6.3

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta l-ġdida jista' jimplika r-riskju li l-effett tagħha jiġi mminimizzat fit-tfassil ta' rapporti li jkunu ta' natura amministrattiva ħafna. Huwa neċessarju ħafna li wieħed iżomm kuntatt mar-realtajiet ta' kuljum.

6.4

L-għan imħabbar huwa li tinkiseb koordinazzjoni aħjar tal-politiki li jirrigwardaw iż-żoni marittimi. Xejn ma jista' jmur kontra dan il-għan iżda wieħed jista' jistaqsi kienx ikun aktar għaqli li l-leġislazzjonijiet attwali jitħallew jilħqu l-effikaċja sħiħa tagħhom qabel ma jiżdied livell regolamentari ieħor. Hemm bżonn ta' ċertu żmien qabel ma l-leġislazzjoni tibda tikseb ir-riżultat mixtieq u huwa importanti li jkun hemm stampa ċara ta' dak li għandu jiġi implimentat. Il-Kardinal ta' Richelieu kien diġà rrimarka li liġi tajba kienet liġi li l-poplu jista' jifhem.

6.5

Din il-koordinazzjoni mtejba hija wkoll meħtieġa fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi Ewropej intiżi sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida. L-istrateġiji makroreġjonali għandhom jitqiesu bħala qafas li joħloq koerenza bejn id-diversi fondi ta' koeżjoni li jistgħu jiġu mobilizzati.

6.6

L-attivitajiet varji li jseħħu fiż-żoni marittimi u kostali jiddependu minn diversi atturi ekonomiċi, xjentifiċi, politiċi u amministrattivi. Apparti dan, hemm użi li qed jidħlu f'kompetizzjoni ma' xulxin bejn is-setturi ekonomiċi: is-sajd, it-trasport, l-użu tar-riżorsi tal-enerġija, it-turiżmu, eċċ. Barra minn hekk, fiż-żoni kostali, l-influwenza tal-attivitajiet ibbażati fuq l-art hija kruċjali u kumplessa. Din l-interazzjoni tfisser li mhux possibbli li dawn iż-żewġ territorji tal-art u marittimi jitqiesu b'mod indipendenti.

6.7

Għaldaqstant ikun tajjeb li jiġi evitat approċċ amministrattiv wisq li ma jagħmel xejn aktar ħlief iżid il-kumplessità u jtaqqal l-azzjoni li ssir aktar bil-mod. Għall-kuntrarju, hemm bżonn li l-professjonisti li jaħdmu fuq u f'dawn l-oqsma marittimi u kostali jiġu involuti b'mod ġenwin: atturi ekonomiċi, imsieħba soċjali u xjentifiċi, NGOs eċċ. Dan ma jsirx biex jittaqqal il-proċess iżda biex jiġu evitati l-oġġezzjonijiet wara, fosthom dawk fil-qrati, jew it-teħid ta' deċiżjonijiet li huma mbiegħda mir-realtajiet konkreti.

7.   Kummenti speċifiċi

7.1

Ta' min wieħed ifakkar li l-ippjanar tal-ispazji marittimi u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali jridu jkunu koerenti mad-direttivi li diġà ġew adottati, partikolarment dik li tirrigwarda l-Istrateġija Marina (2008) u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (Natura 2000, 1992, li wara ġiet applikata għaż-żoni marittimi kostali). Huwa dan il-pakkett li llum jifforma l-politika marittima integrata tal-UE.

7.2

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva l-ġdida trid issir ukoll fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri iżda wkoll fi ħdan l-Istati Membri. Fil-fatt, il-prijoritajiet imħabbra mid-Direttiva jridu jiġu klassifikati skont ċerti prijoritajiet li jvarjaw minn żona għal oħra u minn spazju għal ieħor. Wieħed ma jistax jittratta l-Baltiku u l-Mediterran bl-istess mod, kemm minħabba fil-karatteristiċi ġeografiċi kif ukoll minħabba fil-karatteristiċi ekoloġiċi. Iżda dan it-tip ta' differenzi jeżistu wkoll bejn ir-reġjuni u bejn iż-żoni kostali.

7.3

Wieħed mill-aktar aspetti utli tal-proposta huwa l-organizzazzjoni ta' kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet ta' tmexxija, bl-appoġġ ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' kontroll. Biex dan kollu jkun verament effikaċi, ikun utli li jiġu definiti kriterji ġenerali komuni sabiex l-informazzjoni u d-data jkunu jistgħu jiġu skambjati u kkomunikati b'mod faċli, mhux biss bejn l-awtoritajiet iżda wkoll bejn l-atturi tal-attivitajiet kostali u marittimi. Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-effiċjenza tal-proċess tistrieħ fuq metodu adegwat li jippermetti li d-diversi atturi lokali, pubbliċi u privati, jieħdu azzjoni fir-rigward ta' għanijiet komuni abbażi ta' sitwazzjoni inizjali kondiviża. L-isfida kollha tinsab fil-kapaċità li r-responsabbli tal-attivitajiet differenti ħafna li huma attivi fl-istess territorju kostali u marittimu jkunu jitkellmu b'lingwaġġ komuni.

7.4

It-tniġġis fuq l-art (dranaġġ urban jew industrijali u makroskart li jinġarr mill-ilmijiet matul l-għargħar, eċċ.) u l-kostruzzjonijiet li jinbnew fuq il-baħar (portijiet, artijiet reklamati, xogħlijiet kontra l-erożjoni, eċċ.) huma ta' ħsara kbira għall-ambjent tal-baħar, u għalhekk jeħtieġ li l-ippjannar fuq l-art taż-żoni li huma qrib il-kosta jkun ikkoordinat ma' mal-politiki tal-ġestjoni kostali u tal-ippjanar tal-ispazji marittimi jew saħansitra integrat fihom.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014”

COM(2013) 226 final — 2013/0117 (COD)

2013/C 341/16

Relatur: is-Sur BOLAND

Nhar it-21 ta' Mejju 2013 u s-17 ta' Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2), 207(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru [RD] rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru [DP], (UE) Nru [HZ] u (UE) Nru [OKS Unika] fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014

COM(2013) 226 final – 2013/0117 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2013 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 138 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji għall-2014 rigward ċerti regoli marbuta mal-Politka Agrikola Komuni (PAK), partikolarment is-sistema ta' pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

1.2

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-arranġamenti tranżitorji għall-2014 biex jiżguraw kontinwità tal-pagamenti lill-benefiċjarji f'każ li l-pjani l-ġodda tal-iżvilupp rurali jiġu adottati tard u minħabba l-ħtieġa ta' posponiment tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida ta' pagamenti diretti għal raġunijiet prattiċi u amministrattivi. Mingħajrhom il-familji tal-azjendi agrikoli jkunu f'periklu u bla għajnuna għall-miżuri ambjentali; ħafna mill-protezzjoni li tinsab f'dan il-qasam tisparixxi.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-benefiċjarji ta' skemi 'klassiċi' li jinsabu f'żoni muntanjużi remoti m'għandhomx jiġu żvantaġġati bl-ebda mod mill-arranġamenti tranżitorji. Il-KESE jinnota wkoll bi tħassib li l-komunitajiet remoti, li jiddependu ħafna mill-ftehimiet agroambjentali bħala sors ta' introjtu bi ħlas lura għall-benefiċċji pubbliċi essenzjali li huma jwasslu, jistgħu jsofru tnaqqis fl-introjtu fil-perjodu ta' programmar il-ġdid li jwassal għall-2020.

1.3.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-pagamenti tranżitorji lil dawn il-komunitajiet ikunu jirriflettu l-livell ta' finanzjament kif maqbul diġà fil-programm l-antik.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-Kummissjoni tanalizza l-arranġamenti tranżitorji bl-għan li tiżgura li jiġu minimizzati l-effetti fuq il-familji rurali li jħalli t-tnaqqis propost u li jintwera li tal-inqas l-impatt tat-tnaqqis fuq l-inizjattivi ambjentali jkun newtrali.

1.5

Il-KESE jidhirlu li l-arranġamenti tranżitorji għandhom jippermettu impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali u miżuri ta' investiment urġenti fl-azjendi fl-2014, anke jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti.

1.6

Fil-qafas tar-regoli orizzontali għall-finanzjament tal-PAK, il-posponiment tal-applikazzjoni tal-iskema l-ġdida ta' pagamenti diretti jimplika li hemm bżonn ta' miżuri tranżitorji għas-Servizzi Konsultattivi għall-Azjendi Agrikoli (FAS), għas-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), u għall-kundizzjonalità. Għaldaqstant il-KESE jemmen li huwa obbligatorju li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw regoli tranżitorji speċifiċi qabel tintemm is-sena, u li jemendaw l-atti bażiċi attwali tal-PAK fejn ikun hemm bżonn.

1.7

Il-KESE jisħaq li l-ebda regola tranżitorja m'għandha tiġi pperikolata minħabba l-impożizzjoni ta' limiti massimi nazzjonali li mhumiex realistiċi fir-rigward tal-fondi disponibbli.

2.   Rimarki ta' introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea għaddejja bil-ħidma sfiqa mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tilħaq ftehim politiku finali dwar ir-riforma tal-PAK. Il-ġist prinċipali tal-ftehim intlaħaq fl-aħħar ta' Ġunju 2013, u dan għandu jagħmilha possibbli biex ir-regolamenti l-ġodda jibdew jitħaddmu mill-1 ta' Jannar 2014. Madankollu, il-ftehim finali għad irid jintlaħaq, u dan ifisser li ma jkunx realistiku li nistennew li l-Istati Membri se jkollhom il-proċeduri amministrattivi kollha li hemm bżonn f'posthom f'dik id-data.

2.2

Wara li jkun sar dibattitu fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, id-diversi regolamenti u atti ta' implimentazzjoni huma mistennija li jiġu approvati sal-aħħar tal-2013, bir-riforma tal-PAK tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

2.3

Sabiex tiżgura kontinwità, il-proposta tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2013 timmira biex tistabbilixxi regoli tranżitorji għal ċerti elementi ta' politika. Dan ikun ifisser li r-regoli eżistenti tal-Iskema ta’ Pagament Uniku, l-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja u l-pagamenti mmirati skont l-"Artikolu 68" ikomplu japplikaw għas-sena ta' talba 2014. Għalhekk ir-regoli ġodda, pereżempju dawk dwar it-titjib ekoloġiku (greening), mhux se jkunu japplikaw qabel il-bidu tal-2015, u b'hekk l-aġenziji tal-pagamenti ikollhom aktar żmien biex iħejju għal dawn il-bidliet.

2.4

Fis-27 ta' Ġunju, wara tliet xhur ta' negozjati trilaterali intensivi, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu qbil politiku preliminari dwar ir-riforma tal-politika agrikola tal-UE. Dan il-ftehim huwa soġġett għal konklużjoni formali tan-negozjati dwar il-baġit tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali (2014-2020) tal-UE u l-konferma mill-Kumitat għall-Agrikoltura, il-plenarja tal-Parlament u l-Kunsill.

2.5

Il-proposta hija relatata mar-Regolament (UE) Nru 335/2013 tat-12 ta' April 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR.

2.6

Għall-pagamenti tal-iżvilupp rurali, hija prattika standard li jiġu definiti regoli tranżitorji sabiex jitneħħa d-distakk bejn żewġ perjodi ta' programmar pluriennali. Madankollu huma meħtieġa wkoll ċerti arranġamenti tranżitorji speċifiċi, partikolarment biex jindirizzaw il-konsegwenzi ta' dewmien fir-reġim il-ġdid tal-pagamenti diretti. Il-proposta tinkludi wkoll regoli tranżitorji għall-Kroazja.

2.7

Il-Kummissjoni trid li l-aġenziji tal-pagamenti jkollhom il-ħin biex jagħmlu l-arranġamenti amministrattivi u jiggarantixxu ġestjoni adatta tal-fondi tal-UE, sabiex il-bdiewa jifhmu r-regoli l-ġodda u ma jiġux mġiegħla jwettqu xi ħaġa ġdida qabel ma din tkun lesta.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR.

3.2

Ir-regoli tranżitorji huma meħtieġa biex jiġu definiti l-arranġamenti tekniċi li se jippermettu adattament bla xkiel għall-kundizzjonijiet il-ġodda, u fl-istess waqt tiġi żgurata l-kontinwità tal-forom differenti ta’ appoġġ skont il-PAK.

3.3

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-setturi agrikoli tagħhom jew biex isaħħu l-politika tal-iżvilupp rurali tagħhom b’mod aktar flessibbli, dawn għandhom jingħataw il-possibbiltà li jittrasferixxu fondi mil-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti għall-appoġġ tagħhom assenjat għall-iżvilupp rurali u mill-appoġġ assenjat għall-iżvilupp rurali għal-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti. Fl-istess waqt, l-Istati Membri b'livell ta’ appoġġ dirett ta' anqas minn 90 % tal-livell medju ta' appoġġ tal-UE għandhom jingħataw il-possibbiltà li jittrasferixxu fondi addizzjonali mill-appoġġ tagħhom assenjat għall-iżvilupp rurali għal-limiti massimi tagħhom applikabbli għall-pagamenti diretti. Dawn l-għażliet għandhom isiru f’ċerti limiti, darba biss u għall-perjodu kollu tas-snin finanzjarji bejn l-2015 u l-2020.

3.4

L-Iskema ta’ Pagament Uniku skont l-Erja stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 73/2009 hija ta’ natura tranżitorja u kellha tintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013. Billi l-iskema ġdida ta’ pagament bażiku se tieħu post l-iskema ta’ pagament uniku mill-1 ta’ Jannar 2015, jeħtieġ li tiġi estiża l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena 2014 biex jiġi evitat li l-Istati Membri l-ġodda jkollhom japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku għal sena waħda biss.

3.5

Fir-rigward tal-pagamenti diretti, għandu jitħalla biżżejjed żmien biex l-Istati Membri, u speċjalment l-Aġenziji tal-Pagamenti tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu t-tħejjijiet sabiex jgħaddu l-pagamenti lill-benefiċjarji, filwaqt li jiddaħħlu l-proċeduri meħtieġa biex ikun jista' jibda l-programmm il-ġdid. Għaldaqstant, it-talbiet għall-2014 se jiġu trattati skont ir-regoli tranżitorji.

3.6

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni pilastru, id-definizzjoni ta’ regoli għat-tranżizzjoni bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmar tirrappreżenta prattika standard. Ġeneralment ikunu jinħtieġu regoli tranżitorju biex jitneħħa d-distakk bejn żewġ perjodi ta' programmar konsekuttivi. Madankollu, għall-iżvilupp rurali, din id-darba jinħtieġu wkoll xi arranġamenti tranżitorji speċifiċi, partikolarment biex jittrattaw l-implikazzjonijiet tad-dewmien tar-reġim il-ġdid għall-pagamenti diretti fuq ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali speċjalment fir-rigward tax-xenarju bażi għall-miżuri agroambjentali u klimatiċi u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità. L-arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa wkoll biex jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jidħlu għal impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali fl-2014 anki jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti. Dawn l-impenji ġodda, kif ukoll l-impenji korrispondenti li għaddejjin bħalissa, se jkunu eliġibbli mill-pakketti finanzjarji l-ġodda ta' programmi għall-iżvilupp rurali tal-perjodu ta’ programmar li jmiss.

3.7

Skont l-impenji legali marbuta mar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jidħlu għal impenji legali ġodda fil-konfront tal-benefiċjarji fl-2014 skont il-programmi tal-iżvilupp rurali adottati fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, anke wara li r-riżorsi finanzjarji kollha tal-perjodu ta’ programmar bejn l-2007 u l-2013 jkunu ntużaw kollha, sal-adozzjoni tal-programm rispettiv għall-iżvilupp rurali għall-perjodu ta’ programmar bejn l-2014 u l-2020. In-nefqa mġarrba fuq il-bażi ta’ dawn l-impenji se tkun eliġibbli skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Implikazzjonijiet baġitarji

4.1

Dan l-abbozz ta’ Regolament jimplimenta biss il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u r-riforma tal-PAK għas-sena finanzjarja 2015 filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013. Dan jinkorpora l-konverġenza esterna tal-pagamenti diretti, il-flessibbiltà bejn il-pilastri tal-PAK u r-rata ta’ kofinanzjament għall-iżvilupp rurali.

4.2

Għall-pagamenti diretti, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-8 ta’ Frar 2013 jikkorrispondu, meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, għal tnaqqis ta’ EUR 830 miljun (fi prezzijiet attwali) fis-sena finanzjarja 2015 (li tikkorrispondi għas-sena ta’ talba 2014 għall-pagamenti diretti).

4.3

Id-distribuzzjoni tal-limiti massimi tal-pagamenti diretti fost l-Istati Membri tqis il-konverġenza esterna mis-sena finanzjarja 2015 'il quddiem. Meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jimmodifikaw il-limitu ta’ żmien tal-konverġenza (sitt snin) u jżidu minimu ta’ EUR 196 għal kull ettaru li jrid jintlaħaq sas-sena finanzjarja 2020. Meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew iżidu l-flessibiltà bejn il-pilastri. Din se tkun newtrali fejn jidħol il-baġit billi eżattament l-istess ammonti mnaqqsa minn fond wieħed (il-FAEG jew il-FAEŻR) se jsiru disponibbli għall-fond l-ieħor.

4.4

Fir-rigward tal-iżvilupp rurali, dan l-abbozz ta’ Regolament jimmira li jiżgura l-kontinwità ta’ għadd ta’ miżuri li jinvolvu impenji pluriennali. Dawk id-dispożizzjonijiet m'għandhom l-ebda impatt finanzjarju billi l-allokazzjoni għall-iżvilupp rurali tibqa’ l-istess. Madankollu, id-distribuzzjoni tal-pagamenti matul iż-żmien tista’ tkun xi ftit differenti iżda f’dan l-istadju ma tistax tiġi kwantifikata.

4.5

Din il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa llill-Kummissjoni li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Huwa kruċjali li tiġi żgurata kontinwità fil-pagamenti lill-benefiċjarji fiż-żoni rurali, kif jintwera minn dawn il-fatti li ġejjin:

'il fuq minn 77 % tat-territorju tal-UE huwa klassifikat bħala rurali (47 % hija art agrikola u 30 % foresta) u fih tgħix madwar nofs il-popolazzjoni tagħha (komunitajiet tal-biedja u residenti oħrajn);

globalment, l-agrikoltura u l-industrija agroalimentari - li tiddependi ħafna fuq is-settur agrikolu għall-provvisti tagħha - jirrapreżentaw 6 % tal-PDG tal-UE, ikopru 15-il miljun negozju u jipprovdu 46 miljun impjieg;

l-Ewropa għandha 12-il miljun bidwi u d-daqs medju ta' azjenda agrikola huwa ta' 15-il ettaru (bħala paragun, l-Istati Uniti għandha 2 miljun bidwi u d-daqs medju ta' azjenda agrikola huwa ta' 180 ettaru).

5.2

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tirregola l-perjodu bejn iż-żewġ programmi.

5.3

Madwar l-Ewropa kollha, għadd kbir ta' skemi agroambjentali, li huma finanzjati mill-FAEŻR, se jiġu fi tmiemhom fl-2014. Hemm numru kbir ta' skemi agroambjentali 'klassiċi' li issa ilhom fis-seħħ għal 10 snin jew aktar. Ħafna mill-benefiċjarji ta' dawn l-iskemi 'klassiċi' jinsabu f'żoni muntanjużi remoti u jiddependu ħafna mill-ftehimiet agroambjentali bħala sors ta' introjtu b'kumpens talli jipprovdu benefiċċji pubbliċi essenzjali. Anke jekk ir-regolament il-ġdid dwar l-iżvilupp rurali jinqabel mingħajr aktar dewmien, hemm kważi ċertezza li l-programmi l-ġodda mhux se jiġu approvati u ma jidħlux fis-seħħ qabel l-1 ta' Jannar 2014. Fin-nuqqas ta' programm ġdid u miżuri ta' appoġġ, dawn il-bdiewa ma jkollhom ebda skema alternattiva oħra li jkunu jistgħu japplikaw għaliha għal appoġġ għall-iżvilupp rurali ladarba l-impenji attwali tagħhom jintemmu fl-2014.

5.4

Il-Kummissjoni għandha iddaħħal sistemi biex jiġi żgurat li jinżammu l-benefiċċji ambjentali li nkisbu mill-programmi tal-iżvilupp rurali preċedenti, u jiġi salvagwardjat l-introjtu ta' dawn il-bdiewa. Huwa importanti li jiġi żgurat li la l-bdiewa u lanqas l-ambjent ma jsofru f'każ li ma jintlaħaqx ftehim fuq il-proposti dwar il-Baġit tal-UE jew dwar il-proposti tal-PAK kmieni biżżejjed biex il-programmi tal-iżvilupp rurali li jmiss jibdew fl-2014.

5.5

Fir-rigward tal-pagamenti diretti, għandu jitħalla biżżejjed żmien biex l-Istati Membri, u partikolarment l-aġenziji tal-pagamenti tagħhom, ikunu jistgħu jippreparaw tajjeb u jgħarrfu lill-bdiewa dwar ir-regoli l-ġodda bir-reqqa u bil-quddiem. Għaldaqstant, it-talbiet għall-2014 se jkollhom jiġu proċessati skont ir-regoli tranżitorji. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni pilastru, id-definizzjoni ta’ regoli għat-tranżizzjoni bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmar tirrappreżenta prattika standard. Ir-regoli tranżitorji huma ġeneralment meħtieġa biex ikunu kollegati żewġ perjodi ta’ programmar konsekuttivi, kif diġà wriet l-esperjenza fil-bidu tal-perjodu ta’ programmar attwali. Madankollu, għall-iżvilupp rurali se jkun hemm bżonn ta' xi arranġamenti tranżitorji speċifiċi. Dan partikolarment minħabba l-implikazzjonijiet serji li kwalunke dewmien tar-reġim il-ġdid għall-pagamenti diretti jista' jkollu fuq ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali, speċjalment fir-rigward tax-xenarju bażi għall-miżuri agroambjentali u klimatiċi u l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità.

5.6

L-arranġamenti tranżitorji huma meħtieġa wkoll biex jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jidħlu għal impenji ġodda fir-rigward ta' miżuri marbutin maż-żoni u mal-annimali u miżuri ta' investiment urġenti fl-azjendi fl-2014 anki jekk ir-riżorsi għall-perjodu attwali jkunu ġew eżawriti.

5.7

Fir-rigward tar-regolament orizzontali, il-ħtieġa għal miżuri ta’ tranżizzjoni hija limitata għas-Servizzi Konsultattivi għall-Azjendi Agrikoli, is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll u l-kundizzjonalità, minħabba r-rabta tagħhom mal-pagamenti diretti. F'dan ir-rigward jeħtieġ li, qabel tmiem is-sena, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw regoli tranżitorji speċifiċi li jemendaw l-atti bażiċi tal-PAK attwali fejn meħtieġ.

5.8

Il-bidliet fil-limiti massimi nazzjonali jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-fondi li jirċievu l-bdiewa fl-2014. Biex din il-konsegwenza potenzjali titnaqqas kemm jista' jkun, se jkun meħtieġ li kull gvern nazzjonali jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward minn qabel isiru l-proposti tiegħu.

5.9

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jidħlu għal impenji legali ġodda, u għalhekk huwa possibbli li l-Istat jirrifjuta li jonora l-impenn tiegħu minħabba li l-obbligu huwa diskrezzjonali.

Brussels, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom”

COM(2013) 428 final — 2013/0200 (COD)

2013/C 341/17

Relatur: is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE

Nhar l-1 ta’ Lulju 2013 u nhar l-10 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda b'diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom

COM(2013) 428 final – 2013/0200 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013. Ir-relatur kien is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'128 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed tieħu fit-tul poġġiet ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali taħt pressjoni hekk kif l-Istati Membri qed ikomplu fil-ħidma tagħhom fil-politiki meħtieġa ta’ konsolidazzjoni fiskali.

1.2

Għaldaqstant, iqis li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 hija meħtieġa u f'waqtha, u jappoġġjaha bil-qawwa, bil-kundizzjoni li r-riżorsi baġitarji jintużaw bl-aktar mod effikaċi.

2.   Sfond

2.1

Il-kriżi globali finanzjarja twila u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta' diversi Stati Membri.

2.2

B'mod partikolari fl-Istati Membri li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi u li rċivew għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programm ta' aġġustament, din is-sitwazzjoni qed tiggrava minħabba l-problemi ta' likwidità li jirriżultaw mill-konsolidazzjoni fiskali li jaffettwaw it-tkabbir ekonomiku u l-istabilità finanzjarja tagħhom, kif ukoll deterjorament tad-defiċit tagħhom rigward id-dejn. Il-kofinanzjament jagħmel l-għajnuna finanzjarja iktar effikaċi. Tnaqqis fil-kofinanzjament mill-Istat Membru jista' joħloq riskju li din l-effikaċja tonqos ukoll – dan ir-riskju jrid jiġi minimizzat b'kull mezz possibbli.

2.3

F’dan il-kuntest, l-iżgurar ta’ implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-Fond Ewropew għas-Sajd huwa ta’ importanza partikolari għall-investiment fis-settur tas-sajd.

2.4

Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jiddefinixxi:

—   programm operattiv: dokument wieħed imfassal mill-Istat Membru u approvat mill-Kummissjoni li jkun fih sett koerenti ta' assijiet prijoritarji li għandhom jinkisbu bl-għajnuna mill-FES.

—   assi prijoritarju: kull waħda mill-prijoritajiet fi programm operattiv li jinkludi grupp ta' miżuri li jkunu relatati u li jkollhom għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu.

2.5

L-assijiet prijoritarji previsti għall-FES huma dawn li ġejjin:

assi prijoritarju 1: miżuri għall-adattament tal-flotta tas-sajd tal-Komunità.

assi prijoritarju 2: akkwakultura, sajd fl-ilmijiet interni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

assi prijoritarju 3: miżuri ta' interess pubbliku.

assi prijoritarju 4: żvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd.

assi prijoritarju 5: assistenza teknika.

2.6

Wara li tapprova l-programm operattiv ippreżentat minn kull Stat Membru, il-Kummissjoni, flimkien ma' dan l-Istat Membru, tistabbilixxi persentaġġ ta' kofinanzjament għal kull assi prijoritarju, fejn jidher ukoll l-ammont tal-kontribuzzjoni massima tal-FES.

2.7

Il-ħlasijiet min-naħa tal-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FES jieħdu s-sura ta' prefinanzjamenti, ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ, b'konformità mal-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni u ta' awditjar ta' kull programm operattiv.

3.   Is-sitwazzjoni attwali

3.1

L-Artikoli 76 u 77 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 kienu jipprevedu, b'konformità mal-punt 2.7, li l-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet tal-bilanċ jiġu kkalkulati b'konformità mal-pjan ta' finanzjament għal kull assi prijoritarju previst fl-2006.

3.2

Is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika msemmija fil-punti 2.1 u 2.2 ħeġġet lill-Kummissjoni tipproponi t-tibdil fl-Artikoli 76 u 77 bil-għan li l-investimenti jsiru b'rata iżjed mgħaġġla u tittejjeb id-disponibbiltà tal-fondi.

3.3

B'konsegwenza ta' dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw ir-Regolament (KE) Nru 387/2012 li, permezz tat-tibdil fit-test tal-Artikoli msemmija, wassal biex l-Istati Membri l-aktar milqutin mill-kriżi u li kellhom ftehim mal-Kummissjoni dwar programm ta' aġġustament makroekonomiku, setgħu jitolbu żieda fil-persentaġġ ta' kofinanzjament fil-ħlasijiet interim u finali b'rabta mal-FES.

3.4

S'issa hemm seba' Stati Membri li rċivew għajnuna finazjarja u programm ta' aġġustament: Ċipru, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Latvja, il-Portugall, il-Greċja u l-Irlanda. It-tibdil fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jipprevedi li jista' jgawdi minn dawn iż-żidiet fil-kofinanzjament kull Stat Membru ieħor li fil-ġejjieni jitlob u jikseb programm ta' għajnuna finanzjarja fost dawk previsti fl-Artikolu 76.3(a), (b) u (c) tar-Regolament imsemmi.

3.5

Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet finali għandhom jiżdiedu b'ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta' kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta' 100 %, li għandu jiġi applikat għall-ammont ta' nefqa pubblika eliġibbli li tkun għadha kif ġiet dikjarata f'kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu li fih l-Istat Membru jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76.3(a), (b) u (c).

3.6

Għaldaqstant, jemmen li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet interim u l-ħlasijiet tal-bilanċ, wara li l-Istat Membru ma jibqax jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 76(3), il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-ammonti miżjuda mħallsa skont dak il-paragrafu.

3.7

Fit-test il-ġdid tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 ġie inkluż Artikolu 77(a) ġdid li, fil-paragrafu 5 tiegħu, jillimita l-ħlas ta' dawn iż-żidiet fil-kofinanzjament għad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa ippreżentati mill-Istati Membri kkonċernati sal-31 ta' Diċembru 2013.

4.   Emendar tal-Proposta għal Regolament

4.1

L-emendi li qed tipproponi l-Proposta għal Regolament attwali, li huma s-suġġett ta' din l-Opinjoni, huma marbutin mal-limitu li jimponi dan l-Artikolu 77(a) fil-paragrafu 5.

4.2

Il-Kummissjoni tqis li, peress li l-Istati Membri għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, l-applikazzjoni ta' żieda fir-rata ta’ kofinanzjament m’għandhiex tkun limitata sa tmiem l-2013.

4.3

Għaldaqstant jipproponi l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 permezz tat-tħassir tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 77(a).

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija opportuna ħafna, u għalhekk jappoġġjaha kompletament.

5.2

Il-KESE jaqbel li l-allokazzjoni finanzjarja mill-Fondi lill-pajjiżi u lill-programmi inkwistjoni għall-perjodu kkunsidrat m'għandhiex tinbidel.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku — Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”

COM(2013) 279 final

2013/C 341/18

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku – Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv

COM(2013) 279 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’184 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku, li jiddefinixxi l-prijoritajiet għar-riċerka u l-investiment f'dan ir-reġjun u għandu valur miżjud Ewopew kbir, peress li ser jagħti spinta lit-tkabbir blu fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Fi ħdan dan il-qafas strateġiku, ser tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi u soċjali fir-reġjuni Atlantiċi tal-ħames Stati Membri kkonċernati: l-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall.

1.2

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-approċċ tal-Pjan ta' Azzjoni huwa limitat għal strateġija ta' baċir tal-baħar, u qed jipproponi li dan ikun l-ewwel pass lejn it-tnedija ta' Strateġija Makroreġjonali li tinkorpora darba għal dejjem il-pilastru territorjali u r-rabta tiegħu mal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni. L-approċċ għandu jkun iżjed ambizzjuż sabiex, qabel l-2017, meta huwa previst li ssir valutazzjoni ta' nofs it-term, jinbidel fi Strateġija Makroreġjonali, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tad-Danubju.

1.3

Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni ma ġiex mogħni b'sistema adegwata ta' governanza, iżda jinkludi biss mekkaniżmu dgħajjef ta' implimentazzjoni. F'Opinjoni preċedenti (1), il-KESE ppropona sistema ta' governanza f'diversi livelli li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha b'approċċ minn isfel għal fuq, u li tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili jippromovu l-attivitajiet u jipprovdu l-għarfien tagħhom direttament fil-post.

1.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni xoljiet l-attivitajiet tal-Forum tal-Atlantiku wara li ġie approvat il-Pjan ta' Azzjoni. Il-KESE jipproponi li l-Forum tal-Atlantiku jibqa' attiv sal-2020, u jiġu organizzati b'mod regolari konferenzi tal-partijiet interessati bil-għan li jitħeġġu l-attivitajiet u l-programmi tal-istrateġija, issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom u jiġu mobilizzati l-atturi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha tar-reġjuni tal-Atlantiku.

1.5

Huwa essenzjali li jibqgħu ħajjin kemm l-impenn politiku sod min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, kif ukoll il-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet involuti kollha: l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-atturi ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili. L-esperjenza tal-Grupp ta' Orjentazzjoni u l-Grupp ta' Tmexxija matul il-Forum tal-Atlantiku għamlet possibbli l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mir-riżorsi umani u l-materjali meħtieġa.

2.   Sfond

2.1

Wara l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Makroreġjonali fil-Baħar Baltiku u r-Reġjun tad-Danubju, kien hemm diversi inizjattivi biex jiġi adottat approċċ simili għar-reġjuni tal-Atlantiku. Il-Kunsill ta lill-Kummissjoni mandat għall-iżvilupp ta' strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku. Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni fil-21 ta' Novembru 2011 (2).

2.2

Min-naħa tiegħu, fl-2001, il-Parlament Ewropew fassal Riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni. Il-KESE approva l-Opinjoni tiegħu fl-24 ta' Mejju 2012 (3), u l-KtR (4) fl-10 ta' Ottubru 2012. Il-Parlament, il-KESE u l-KtR laqgħu b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, iżda kkunsidraw li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ iżjed wiesa', li jinkorpora bis-sħiħ id-dimensjoni territorjali u jistabbilixxi rabtiet ċari bejn iż-żoni marittimi u dawk terrestri. Il-Kumitat ippropona approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju.

2.3

Il-Kummissjoni, il-PE, il-KESE u l-KtR u l-ħames Stati Membri kkollaboraw fit-tnedija tal-Forum tal-Atlantiku għat-tħejjija tal-Pjan ta' Azzjoni. Il-Forum għamel possibbli l-parteċipazzjoni ta' dawn l-Istati Membri, il-Parlament, il-KESE, il-KtR, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati kollha. Saru ħames laqgħat: f'Horta, Brest, Bilbao, Cardiff u Cork. Twaqqaf Grupp ta' Orjentazzjoni tal-Forum tal-Atlantiku li fih ħadu sehem l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ħames Stati Membri inkwistjoni, u twaqqaf ukoll Grupp ta' Tmexxija. Il-parteċipazzjoni tal-KESE għamlitha iżjed faċli li fl-avvenimenti tal-Forum jipparteċipaw rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjun tal-Atlantiku, in-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u l-atturi ekonomiċi u soċjali.

2.4

Fl-Opinjoni tal-KESE, ġie propost li l-għanijiet tar-reġjun tal-Atlantiku jissejsu fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020; li jibqa’ attiv anke wara t-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni; li jitneħħew il-limitazzjonijiet tat-“tliet rifjuti” (l-ebda leġislazzjoni ġdida, l-ebda finanzjament ġdid, l-ebda struttura amministrattiva ġdida); u ppropona wkoll sistema ta' governanza f'diversi livelli.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: il-Pjan ta' Azzjoni

3.1

Il-Pjan ta' Azzjoni jiżviluppa l-Istrateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku (COM(2011 782 final) u jiddefinixxi l-prijoritajiet ta' investiment u riċerka li jinkoraġġixxu t-tkabbir blu fir-reġjun tal-Atlantiku, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli taż-żoni kostali u jħarsu l-istatus ambjentali u ekoloġiku tajjeb tal-ekosistema tal-Atlantiku.

3.2

Fi ħdan il-Forum tal-Atlantiku, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili ddiskutew dwar il-mod kif għandhom jindirizzaw il-ħames sfidi tal-Atlantiku identifikati fl-Istrateġija, u organizzaw ħames seminars tematiċi u konsultazzjoni onlajn.

3.3

Filwaqt li kkunsidrat il-ħames dibattiti li saru mal-Istati Membri u r-reazzjoni tal-Forum tal-Atlantiku, il-Kummissjoni fasslet Pjan ta' Azzjoni b'diversi oqsma prijoritarji, bil-għan li jinkoraġġixxu t-tkabbir blu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun tal-Atlantiku.

3.4

Il-kalendarju huwa marbut mal-Qafas Strateġiku Komuni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment. Il-Pjan ta' Azzjoni jissejjes fuq tliet pilastri ta' azzjoni: l-implimentazzjoni ta' investiment orjentat b'mod adatt; it-tisħiħ tal-kapaċità ta' riċerka; u t-titjib tal-ħiliet u tal-kwalifiki.

3.5

Il-Pjan ta' Azzjoni fih erba' prijoritajiet:

3.5.1

it-tħeġġiġ tal-ispirtu intraprenditorjali u l-innovazzjoni: il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-istabbilimenti ta' edukazzjoni għolja, l-intrapriżi u ċ-ċentri tar-riċerka; it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-kapaċitajiet ta' innovazzjoni fl-ekonomija marittima; u l-adattament u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi, filwaqt li jiġi promoss il-potenzjal tar-reġjun tal-Atlantiku;

3.5.2

il-ħarsien, l-iżgurar u l-iżvilupp tal-opportunitajiet marbutin mal-ambjent tal-baħar u tal-kosta: it-titjib tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-baħar; l-esplorazzjoni u l-protezzjoni tal-ilmijiet tal-baħar u ż-żoni kostali; il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar; u l-isfruttament tal-potenzjal tal-ambjent tal-baħar u tal-kosta bħala sors tal-enerġija rinnovabbli;

3.5.3

it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-konnessjonijiet, permezz tal-kooperazzjoni bejn il-portijiet;

3.5.4

il-ħolqien ta' mudell sostenibbli u soċjalment inklużiv ta' żvilupp reġjonali: il-promozzjoni ta' għarfien aħjar tal-isfidi soċjali fir-reġjun u l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Atlantiku.

3.6

Il-kalendarju tal-Pjan ta' Azzjoni ser jagħmilha possibbli li l-Istati Membri jqisu l-prijoritajiet tagħhom fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni li qed jiġu negozjati matul l-2013 għall-perjodu 2014-2020. Il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni għandhom jikkunsidraw l-Istrateġija tal-Atlantiku biex jiddefinixxu l-oqsma prijoritarji. Il-finanzjament permezz tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni (il-FEŻR, l-FSE, il-FAEŻR u l-FEMS) tiġi kkoordinata ma' sorsi oħra ta' finanzjament.

3.7

Il-Pjan ta' Azzjoni ser iservi ta' gwida għall-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-fondi ġestiti minnha direttament, bħall-Orizzont 2020, LIFE+, COSME u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

3.8

L-investiment pubbliku għandu jinkoraġġixxi l-inizjattivi intraprenditorjali privati. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa lest ukoll li jimmobilizza l-istrumenti ta' finanzjament u l-ħiliet tiegħu biex jipprovdi appoġġ fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

3.9

Il-Pjan ta' Azzjoni ser iħeġġeġ it-tfassil ta' proġetti komuni għall-ħames Stati Membri, pereżempju permezz tal-Orizzont 2020, il-kooperazzjoni territorjali Ewropea li jiffinanzja l-FEŻR, il-programm Erasmus u programmi Ewropej oħra.

3.10

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' implimentazzjoni li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-operaturi nazzjonali, reġjonali u lokali, u li jissorvelja l-progress miksub, filwaqt li jitqiesu t-tagħlimiet misluta mill-Forum tal-Atlantiku.

3.11

Il-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni ser jippromovi l-impenn politiku u s-superviżjoni, il-parteċipazzjoni tas-settur privat u l-valutazzjoni. Ser ikun sempliċi u msejjes fuq strateġiji oħra. Dan il-mekkaniżmu ser jiġi definit f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati qabel tmiem l-2013, u jista' jkollu wkoll funzjoni ta' gwida għall-promoturi tal-proġetti, iservi ta' pont mal-awtoritajiet ta' ġestjoni tal-programmi u jippromovi l-kooperazzjoni fir-reġjun tal-Atlantiku.

3.12

Il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri biex jiġi definit metodu ta' monitoraġġ. Hija prevista reviżjoni ta' nofs it-term tal-implimentazzjoni qabel tmiem l-2017, akkumpanjata minn valutazzjoni indipendenti.

3.13

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jeżaminaw ukoll il-possibbiltà li fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija jipparteċipaw ukoll l-imsieħba internazzjonali fl-Amerika u l-Afrika.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-Pjan ta' Azzjoni: l-Istrateġija tal-Atlantiku hija strateġija tal-baċir tal-baħar

4.1

Il-KESE appoġġja l-Politika Marittima Integrata f'Opinjonijiet preċedenti. Minn mindu ġie ppubblikat il-Blue Book “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, ingħata bidu għal mod ġdid kif jiġu indirizzati l-politiki marbutin mal-baħar, permezz ta' strumenti orizzontali komuni, u approċċ favur it-tkabbir tas-setturi marittimi.

4.2

Il-politika marittima integrata enfasizzat id-dimensjoni marittima tal-UE u stabbilixxiet is-sisien għall-iżvilupp ekonomiku tal-ibħra u l-isfruttament tagħhom b'mod sostenibbli, permezz ta' approċċ transsettorjali u integrat.

4.3

Dan l-approċċ il-ġdid għall-kwistjonijiet marittimi ngħata spinta ġdida permezz tal-Inizjattiva tat-“Tkabbir Blu” fil-Komunikazzjoni “It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu” (COM(2012) 494 final). Din l-inizjattiva tenfasizza l-kontribut importanti tal-ekonomija blu għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjieg fl-Ewropa. L-ekonomija l-blu hija l-pilastru marittimu tal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.4

F'Opinjoni tiegħu dwar it-Tkabbir Blu (5), il-KESE argumenta li dan l-approċċ huwa “t-tkomplija loġika u meħtieġa tal-ħidma li saret biex tiġi implimentata Politika Marittima Integrata (PMI) fl-Unjoni Ewopea”.

4.5

Il-Pjan ta' Azzjoni huwa pass ġdid li għandu jikkontribwixxi biex iż-żoni marittimi tal-Atlantiku jagħmlu użu mill-opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku u ta' ħolqien tal-impjieg. Fl-Istrateġija tal-Atlantiku u l-Pjan ta' Azzjoni marbut magħha huwa mistenni li l-Politika Marittima Integrata u l-Inizjattiva tat-“Tkabbir Blu” jiġu implimentati b'mod adatt għall-karatteristiċi partikolari tal-baċir tal-Atlantiku.

4.6

Fl-istrateġiji tal-baċir tal-baħar, l-attivitajiet marittimi jiġu xprunati skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull baċir, liema ħaġa tikkontribwixxi għal strateġija iżjed effettiva li tirrifletti l-potenzjal tal-Atlantiku. Din il-ħidma titlob il-kooperazzjoni tal-operaturi fil-livell transsettorjali, transkonfinali u transnazzjonali.

4.7

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jkun orjentat mhux biss lejn is-setturi emerġenti, iżda wkoll dawk tradizzjonali, bħas-sajd jew it-trasport marittimu, setturi li għandhom jiġġeddu bil-għan li tiżdied il-kompetittività u titnaqqas l-impronta ambjentali tagħhom. Jekk jinkorporaw teknoloġiji u proċessi innovattivi, dawn is-setturi tradizzjonali jkomplu jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjieg fir-reġjun tal-Atlantiku.

4.8

Madankollu, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tikkunsidra li l-azzjonijiet ta' riċerka dwar l-ambjent tal-baħar huma prijoritarji, iżda huwa tal-fehma li għandhom ikunu prijoritarji wkoll l-azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċitajiet u l-opportunitajiet tas-setturi industrijali li huma involuti b'mod dirett fil-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku.

4.9

L-appoġġ għall-kompetittività tal-SMEs ma għandux ikun limitat għas-setturi tat-turiżmu, l-akkwakultura u s-sajd, iżda għandu jiġi estiż ukoll għall-oqsma kollha previsti fil-Pjan ta' Azzjoni, bħall-bini tal-bastimenti, b'industrija sekondarja b'saħħitha, l-attivitajiet portwarji, l-enerġija rinnovabbli tal-baħar u l-bijoteknoloġija, li huma setturi li attwalment għandhom bażi intraprenditorjali soda f'għadd ta' reġjuni tal-Atlantiku.

4.10

Il-Kumitat jemmen li huma l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi li jiġġeneraw dinamiżmu ekonomiku fiż-żoni l-iżjed imbiegħda. Huwa fundamentali li anke dawn l-intrapriżi jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Istrateġija tal-Atlantiku.

4.11

Il-KESE jipproponi li jinstab bilanċ aħjar bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali: l-Opinjoni li diġà ssemmiet hawn fuq dwar it-“tkabbir blu” tisħaq fuq l-importanza tal-fattur uman fl-ekonomija marittima u tixħet dawl fuq il-kundizzjonijiet diffiċli li sikwit in-nies ikollhom jaħdmu fihom.

4.12

Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jkopri t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards soċjali tal-professjonijiet fil-qasam tal-baħar, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-armonizzazzjoni tal-kwalifiki professjonali. Għandhom jitħeġġu t-taħriġ u r-riċiklaġġ fost il-popolazzjonijiet tal-kosta bil-għan li jiġi ffaċilitat l-adattament tal-ħaddiema kemm għall-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali kif ukoll għall-professjonijiet ġodda. Għandhom jitjiebu l-immaġni u l-kwalità tal-professjonijiet marittimi sabiex b'hekk jiġbdu aktar liż-żgħażagħ lejhom.

4.13

L-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda għandu jimxi id f'id mal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Il-programmi ta' riċerka f'dan il-qasam għandhom jissaħħu fil-Pjan ta' Azzjoni. Ir-riċerka maħsuba biex jiġi evitat l-impatt negattiv fuq l-ambjent tal-baħar ser tnaqqas l-inċertezzi li jġibu magħhom dawn l-attivitajiet, pereżempju l-enerġija mill-baħar, il-modernizzazzjoni tal-portijiet, l-akkwakultura u t-turiżmu marittimu. Riċerka ta' din ix-xorta tħaffef il-proċess tal-ksib tal-awtorizzazzjonijiet.

4.14

Il-KESE huwa tal-fehma li mudell sostenibbli u soċjalment inklużiv ta' żvilupp reġjonali għandu jippreżerva l-kultura marittima tal-Atlantiku, li hija marbuta mill-qrib mal-forma tradizzjonali ta' ħajja ta-popolazzjonijiet tal-kosta, u li tikkostitwixxi parti importanti ħafna mill-wirt u l-identità kulturali.

4.15

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu kkompletati l-Pjan ta' Azzjoni u l-azzjonijiet prijoritarji tiegħu, bl-adozzjoni ta' miżuri leġislattivi bil-għan li l-qafas regolatorju jkun strutturat aħjar u iżjed ċar għas-setturi marittimi.

4.16

Il-KESE jaqbel li l-istrateġija tinkludi wkoll relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tan-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Il-Kumitat jemmen li huwa fundamentali li jitnedew ftehimiet ta' kooperazzjoni f'dak li jirrigwarda r-riċerka, mhux biss mal-Istati Uniti u l-Kanada, iżda wkoll mal-Amerika Ċentrali, l-Amerika t'Isfel u l-Afrika.

5.   Il-proposta tal-KESE: it-trasformazzjoni tal-istrateġija tal-baċir tal-baħar fi strateġija makroreġjonali

5.1

L-Istrateġija tal-Atlantiku u l-Pjan ta' Azzjoni marbut magħha huma ta' natura esklużivament marittima, b'konformità mal-ftehim adottat mill-Kunsill tal-Ministri.

5.2

L-UE nediet l-istrateġiji makroreġjonali. Fil-ġejjieni, dawn il-politiki ser jissaħħu fil-qafas tal-kompetenzi previsti fit-Trattat għat-titjib tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

5.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-istrateġija marittima għall-baċir tal-Atlantiku għandha tkopri b'mod deċiżiv il-pilastru territorjali u r-rabta tiegħu mal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni.

5.4

Il-Kumitat diġà esprima ruħu f'Opinjoni oħra (6) dwar dan meta qal: “(I)l-KESE jipproponi approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju (…) Id-dimensjoni marittima Atlantika tikkawża ħafna mill-isfidi u opportunitajiet taż-Żona tal-Atlantiku, iżda meta jitqies li r-relazzjoni tagħha mat-territorju hija fundamentali, il-KESE jipproponi li flimkien mad-dimensjoni marittima tiġi inkorporata dik territorjali. It-territorju kontinentali jamministra u jiżviluppa l-artijiet interni, li mingħajrhom it-tisħiħ tal-potenzjal marittimu jkun nieqes minn kull sinifikat. Il-kosta marittima teħtieġ art interna attiva, dinamika u b’sinerġiji li jippermettu l-iżvilupp konsistenti tar-reġjun kollu.”

5.5

Ir-reġjuni tal-Atlantiku għandhom jiżviluppaw l-istrateġiji tagħhom fi ħdan qafas koerenti bejn il-politika marittima u dik territorjali. L-iżvilupp tal-attivitajiet fil-portijiet mhuwiex possibbli mingħajr ma dan ikun marbut mal-investiment fit-territorju għat-trasport ferrovjarju, jew it-trasport bit-triq; lanqas mhu possibbli l-iżvilupp tal-enerġija mill-baħar mingħajr ma jkun marbut mal-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija; jew il-konservazzjoni tal-kosta u tal-ambjent tal-baħar mingħajr ma jkunu marbutin mas-sistemi tat-trattament tal-ilma fil-bliet u l-irħula li jinsabu fl-intern tal-kosta tal-Atlantiku.

5.6

Għaldaqstant, il-Kumitat jemmen li fir-reġjun tal-Atlantiku l-kwistjonijiet marittimi ma jistgħux jiġu indirizzati mingħajr ma jitqies it-territorju kollu: dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-aġenda ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun inġenerali. Huwa biss bit-tisħiħ tal-interazzjoni armonjuża bejn l-attivitajiet marittimi u terrestri li jistgħu jinkisbu l-benefiċċji kollha tat-tkabbir blu.

5.7

Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-istrateġija marittima għall-Atlantiku tinbidel fi strateġija makroreġjonali, fuq il-bażi tal-Pjan ta' Azzjoni.

6.   Governanza

6.1

Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni b'mod vag. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (7), il-Kumitat ippropona sistema ta' governanza f'diversi livelli li tiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha.

6.2

Il-finanzjament tal-Pjan ta' Azzjoni, permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej differenti u l-fondi assoċjati ma' politiki Ewropej ġestiti direttament mill-Kummissjoni, titlob koordinazzjoni intensiva bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

6.3

It-tfassil tal-Pjan ta' Azzjoni wara l-laqgħat tal-Forum tal-Atlantiku kien immexxi mill-Grupp ta' Orjentazzjoni u l-Grupp ta' Tmexxija, magħmulin minn rappreżentanti tal-ħames Stati Membri tal-Atlantiku u l-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-reġjuni tal-Atlantiku kienu involuti fil-Grupp ta' Tmexxija u permezz tal-istatus tagħhom ta' osservaturi, u l-atturi soċjoekonomiċi tal-Atlantiku kienu rappreżentati mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-parteċipazzjoni tal-atturi soċjoekonomiċi tal-Atlantiku kienet numeruża u entużjasta, kemm fil-ħames konferenzi kif ukoll fil-konsultazzjoni.

6.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni xoljiet l-attivitajiet tal-Forum tal-Atlantiku wara li ġie approvat il-Pjan ta' Azzjoni u ma tawlitx l-eżistenza tiegħu biex ikopri l-perjodu kollu tal-Istrateġija, jiġifieri sal-2020.

6.5

Il-KESE jemmen li huwa fundamentali li d-dinamika u l-livell tal-parteċipazzjoni jinżammu matul il-Forum tal-Atlantiku, sabiex il-partijiet interessati kollha jkomplu jkunu involuti bis-sħiħ (ir-reġjuni, is-settur privat u s-soċjetà ċivili) fil-fażijiet li jmiss: l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

6.6

Is-sistema ta' governanza hija fundamentali. Għalhekk, il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta' Azzjoni jiddedika biss taqsima żgħira lil din il-kwistjoni, intitolata “Appoġġ”. Hawnhekk jiġi propost, b'mod vag, li jinħoloq “mekkaniżmu (…) ta’ implimentazzjoni” li l-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tiegħu għandhom jiġu stabbiliti aktar tard.

6.7

Ir-regola tat-“tliet rifjuti” tmur kontra l-istabbiliment ta' strutturi amministrattivi ġodda, iżda dan ma jimpedixxix il-ħolqien ta' sistema ta' governanza f'diversi livelli, ta' natura parteċipattiva, li tixbah lil dawk stabbiliti għall-istrateġiji tal-Baltiku u tad-Danubju.

6.8

Il-KESE jipproponi li tiġi implimentata governanza ġenwina f'diversi livelli, li tkun parteċipattiva, li tibni fuq l-approċċ min isfel għal fuq, u li tagħmilha possibbli li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-entitajiet reġjonali u lokali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili tal-Atlantiku jmexxu l-proċess tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u jikkontribwixxu l-għarfien dirett tagħhom fil-post.

6.9

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li r-reġjuni jipparteċipaw fil-governanza tal-Istrateġija tal-Atlantiku. Ir-reġjuni Atlantiċi Ewropej jafu sew li l-baħar jagħmel parti fundamentali mill-mod ta' għajxien tagħhom. Fil-livell politiku, huma bosta r-reġjuni tal-Atlantiku li għandhom kompetenzi wesgħin biex ifasslu u jimplimentaw l-istrateġiji u l-politiki settorjali marbutin mal-attivitajiet marittimi u tat-territorji kostali.

6.10

L-operaturi ekonomiċi u soċjali ta' dawn ir-reġjuni huma l-partijiet interessati prinċipali u jimpenjaw ruħhom fl-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjieg fl-ekonomija l-blu. Għandhom l-għarfien u l-istituzzjonijiet li joperaw fil-post.

6.11

Il-Kumitat jipproponi li jekk il-Forum tal-Atlantiku jibqa' attiv, ikunu jistgħu jiġu organizzati b'mod regolari konferenzi tal-partijiet interessati bil-għan li jitħeġġu l-attivitajiet u l-programmi tal-istrateġija, issir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom u jiġu mobilizzati l-atturi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha.

6.12

Il-KESE jipproponi wkoll li tiġi enfasizzata n-natura Ewropea ta' din l-istrateġija. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, fl-istrutturi ta' governanza. Il-Kummissjoni taqdi rwol ewlieni billi żżomm ħajja d-dinamika, billi taqdi rwol ta' faċilitatur u tappoġġja l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. Jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha r-riżorsi adegwati għad-dispożizzjoni tagħha.

6.13

Il-Kumitat jipproponi li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-netwerks tal-Atlantiku: il-Kummissjoni tal-Ark tal-Atlantiku tal-awtoritajiet reġjonali, in-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku tal-atturi ekonomiċi u soċjali, u l-Konferenza tal-Bliet tal-Ark tal-Atlantiku. Dawn in-netwerks jaqdu rwol deċiżiv biex jagħtu spinta lill-impenn li daħlu għalih l-atturi kollha u jirrappreżentaw valur miżjud Ewropew kbir. Huma stabbiliti sew fit-territorju, għandhom firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni u għarfien fil-fond taż-żona tal-Atlantiku, inklużi l-problemi u l-atturi tagħha. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tiggarantixxi approċċ f'diversi livelli, transnazzjonali u transsettorjali. Dawn in-netwerks isawru wkoll rabta mar-realtà, il-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-Atlantiku li, f'ħafna każijiet, jinsabu 'l bogħod mill-bliet kapitali tal-Istati Membri.

7.   Finanzjament

7.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jinkludu l-prijoritajiet tar-reġjuni tal-Atlantiku fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni għall-perjodu 2014-2010 tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

7.2

Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni fil-fondi ġestiti minnha direttament, bħall-Orizzont 2020, LIFE+, COSME u l-FEMS.

7.3

Il-kooperazzjoni fil-livell transkonfinali u transnazzjonali għandha rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija, minħabba l-valur miżjud Ewropew tagħha u l-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-isfidi tar-reġjun tal-Atlantiku f'kundizzjonijiet aħjar milli l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu individwalment. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-ikbar valur miżjud fi ħdan din il-kooperazzjoni, u huwa hawnhekk fejn jeħtieġ li jiġi adottat approċċ Ewropew.

7.4

Fid-dawl tal-fatt li mhux ser jiġi allokat baġit speċifiku, jeħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi jaġixxu b'mod koerenti u komplementari.

7.5

Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn l-azzjonijiet pubbliċi jiffaċilitaw it-tnedija ta' investimenti u inizjattivi privati. Il-kooperazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment hija fundamentali, u għandu jikkoopera b'mod attiv fl-istrateġija.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

(2)  COM(2011) 782 final

(3)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

(4)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 1

(5)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 87.

(6)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 24

(7)  Ibid.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Futur tat-teknoloġiji għall-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (CCS)”

COM(2013) 180 final

2013/C 341/19

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar is-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa

COM(2013) 180 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’168 vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1

Il-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE għandha tirrikonoxxi u tirrispondi għas-swieq globali u l-ftehimiet internazzjonali. Hija għandha tiżviluppa wkoll tweġibiet meta s-swieq ifallu milli jindirizzaw il-prijoritajiet soċjali u n-nuqqas ta' koerenza politika.

1.2

Id-dibattitu dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS) huwa eżempju tat-tensjonijiet preżenti f'inizjattiva politika bħal din.

1.3

Is-suq globali tal-enerġija attwali mhux qed jikkunsidra l-effetti esterni kbar u ta' ħsara involuti f'żieda kbira fl-użu tal-karburanti fossili kollha, b'mod partikolari l-impatt fuq is-saħħa pubblika u l-akkumulazzjoni atmosferika tal-gassijiet b'effett ta' serra. L-inizjattivi politiċi globali għad irid ikollhom effett sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-karbonju.

1.4

Is-CCS joffru proċess teknoloġiku li jista' potenzjalment ikun risposta għall-mistoqsija fundamentali tal-politika tal-klima: qabel ma nirrilaxxaw tant dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera tagħna, li jiġġenera tant tibdil qerriedi fil-klima, huwa possibbli li naħżnu l-karbonju bl-istess rata li biha nakkwistawh u nużawh?

1.5

L-inizjattiva politika tas-CCS hija meqjusa element vitali fil-ġlieda kontra d-dgħufijiet tas-suq, madanakollu ltaqgħet ma' bosta ostakli. Il-kważi falliment tal-Iskema għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE (minħabba l-għamla dgħajfa tagħha, ir-riċessjoni u n-nuqqas ta' ftehim globali dwar il-politika tal-klima u l-ipprezzar tal-karbonju) hedded il-programm.

1.6

Madanakollu l-każ favur l-iżvilupp tas-CCS sa ma jsiru għażla vijabbli, mifruxa fuq skala kbira u li tista' tintuża, jibqa' wieħed interessanti ħafna iżda biex jintlaqa' hemm bżonn li jsiru bosta affarijiet li huma identifikati f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet

1.7

Hemm bżonn li jsir sforz massimu sabiex jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar politika ta' stabbilizzazzjoni tal-klima, inkluż programm effettiv, li fuqu jkun sar ftehim u li jiġi implimentat, dwar l-ipprezzar tal-karbonju sabiex il-konsum tal-karburanti fossili u b'konsegwenza l-emissjonijiet tas-CO2 jibdew jiġu limitati bil-mod il-mod, u għandu jkun hemm fondi għall-prevenzjoni u l-azzjoni kontra l-impatt li dan ser ikollu.

1.8

Irrispettivament minn ftehim bħal dan, għandu jkompli għaddej programm attiv ta' proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS sabiex jingħeleb it-tħassib li qajjem il-pubbliku. Il-benefiċċji potenzjali - fit-teknoloġija, il-kollaborazzjoni industrijali, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, id-definizzjoni statutorja u regolatorja u t-tnaqqis fl-ispejjeż huma raġunijiet kbar għalfejn għandu jkompli jsir iktar żvilupp. Il-KESE jqis li dan il-programm għandu importanza strateġika kbira bħala wieħed li ser iwitti t-triq għall-użu.

1.9

Programm bħal dan jista' jibbenefika ħafna jekk jitpoġġa f'kuntest ta' djalogu pubbliku bi profil għoli u koordinat fil-livell Ewropew dwar il-futur tas-sistema sħiħa tal-enerġija u l-bżonn li ssir tranżizzjoni lejn futur b'livell baxx ta' karbonju. L-aċċettazzjoni tal-pubbliku tibqa' kwistjoni vitali għall-iżvilupp tal-infrastruttura tas-CCS.

1.10

F'dan il-kuntest, il-kwistjonijiet tal-effettività meta jitqabblu ma' strateġiji oħra b'livell baxx ta' karbonju, inkluż l-użu mill-ġdid tas-CO2, analiżi dettaljata ta' kwistjonijiet ta' riskju kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni kollha jistgħu jiġu kkunsidrati.

1.11

Kwalunkwe politika li timmira li tippromovi s-CCS ser teħtieġ finanzjament ta' appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi u għandha tiġi akkumpanjata minn mekkaniżmi li jpattu għall-ispejjeż tal-industriji Ewropej esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-politika tal-enerġija tal-UE hija kumplessa. Hija tfittex li tagħraf u tibbilanċja s-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà, filwaqt li tqis il-kwistjonijiet li mhumiex taħt il-kontroll tagħha, bħat-tibdil teknoloġiku, fatturi globali tas-suq u żviluppi internazzjonali fil-qasam tal-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Il-bżonn li tibqa' tagħti rispons għal sitwazzjoni u fatturi esterni dejjem jinbidlu jkompli jikkomplika l-għan li jiġi stabbilit qafas li fih jistgħu jsiru deċiżjonijiet neċessarji fuq perjodu twil. Is-CCS iridu jitqiesu f'dan il-kuntest. Potenzjalment huma teknoloġija importanti ħafna. Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jagħmilha ċara li s-CCS jista' jkollhom rwol sinifikanti ħafna x'jaqdu iżda d-deċiżjonijiet fuq perjodu medju u fit-tul relatati magħhom jinvolvu bosta inċertezzi ekonomiċi, soċjali, politiċi u tekniċi.

2.2

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CCS tinkludi eżempji ta' dawn il-kumplessitajiet u tidentifika n-nuqqas tal-aspett intraprenditorjali bħala r-raġuni prinċipali għan-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp tas-CCS. Madanakollu wara din l-istqarrija ekonomika hemm ukoll lista ta' fatturi ambjentali tekniċi u soċjopolitiċi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fuqhom jista' jinbena każ intraprenditorjali. Hija u tfittex li tindirizza l-mistoqsijiet tal-Kummissjoni dwar is-CCS, din l-Opinjoni tfittex li tindirizza wkoll il-kwistjonijiet li hemm fil-qalba tas-suġġett.

3.   Sommarju tal-Komunikazzjoni

3.1

Is-CCS huma preżentati bħala element essenzjali tal-ksib tal-programm tat-tnaqqis tal-karbonju tal-UE. Huma l-uniku għażla sinifikanti li tindirizza s-CO2 li jirriżulta mill-persistenza tal-enerġija ġejja mill-karburanti fossili fid-deċennji li ġejjin. "Il-mira tal-2050 (tal-klima) tista’ tintlaħaq biss jekk l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-karburanti fossili jiġu eliminati mis-sistema."

3.2

L-UE ilha mill-2007 tfittex li tappoġġja l-iżvilupp tas-CCS b'diversi modi; qafas leġislattiv għall-ġbir, it-trasportazzjoni u l-ħżin tas-CO2, appoġġ għal proġett ta' minn 10 sa 12-il programm ta' dimostrazzjoni u billi tkompli tfittex li tistabbilixxi prezz tal-karbonju permezz tal-Iskema ta’ Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) li taġixxi bħala sors ta' żvilupp tal-fondi u mutur tal-implimentazzjoni u l-użu fuq perjodu twil.

3.3

Madanakollu għadhom ma jeżistu l-ebda proġetti ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira fl-UE u "anke l-iktar proġetti promettenti tal-UE qed jiffaċċjaw dewmien sostanzjali". Dan għaliex illum "ma hemm l-ebda raġuni biex l-operaturi ekonomiċi jinvestu fit-teknoloġiji tas-CCS". L-ETS ma rnexxielha la twassal fondi għall-investiment f'dawn l-impjanti u l-anqas tasal għal prezz stabbli tas-CO2 li jappoġġja t-tħaddim futur tagħhom. Bħalissa l-prezz tas-CO2 huwa madwar 10 % tal-ammont meqjus minn ħafna bħala l-minimu assolut li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit każ intraprenditorjali għas-CCS. Madanakollu l-Komunikazzjoni tindika li anki jekk jiġi stabbilit każ intraprenditorjali, mhix ċertezza li f'xi pajjiżi, prinċipalment dawk fejn ser ikun hemm bżonn l-iżjed CCS, il-pubbliku ser jaċċetta dak li huwa jqis bħala r-riskju involut fil-ħżin ġeoloġiku.

3.4

Madanakollu l-Komunikazzjoni tgħid li huwa vitali li tinkiseb esperjenza fit-twassil tas-CCS fuq skala kummerċjali li tista’ tnaqqas l-ispejjeż, tagħti prova tal-ħżin ġeoloġiku mingħajr periklu tas-CO2, tiġġenera għarfien trasferibbli dwar il-potenzjal tat-teknoloġiji tas-CCS u tneħħi r-riskju tal-investiment fit-teknoloġiji għall-investituri. Il-promozzjoni ta' programm bħal dan tiffoka l-attenzjoni fuq id-dettall ta' qafas regolatorju adatt u tistimula r-rispons tal-pubbliku. L-għarfien li jinkiseb b'dan il-mod ser joffri opportunitajiet li jaqdu parti attiva fuq programm futur globali tas-CCS u jsaħħaħ ir-rwol potenzjali tal-UE bħala provvedituri tat-teknoloġiji u l-ħiliet.

3.5

Il-Komunikazzjoni tipproponi mekkaniżmi ta' appoġġ supplimentari li jimlew il-vojt tal-prestazzjoni baxxa ħafna tal-ETS bħax-xiri obbligatorju taċ-ċertifikati tas-CCS, it-twaqqif tal-emissjonijiet jew il-ħolqien ta' appoġġ għal proġetti ta' dimostrazzjoni permezz tal-ekwivalenti ta' xiri mill-ġdid.

3.6

Hija tippreżenta wkoll lista ta' mistoqsijiet li jfittxu li jiġbru l-fehmiet ta' min jirrispondi dwar il-kwistjonijiet prinċipali marbuta mal-ġejjieni tas-CCS.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Id-dokument tal-Kummissjoni huwa kemm reviżjoni kif ukoll proposta ta' konsultazzjoni u jikkonkludi b'lista ta' mistoqsijiet dwar kwistjonijiet relatati mas-CCS fl-Ewropa. L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li jindirizza "l-isfida fundamentali ta’ stimolu ta’ investiment fis-CCS ta’ dimostrazzjoni biex jiġi ttestjat jekk l-utilizzazzjoni sussegwenti u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura tas-CO2 hijiex fattibbli". Programm ta' dimostrazzjoni bħal dan jista' mbagħad ikun prekursur tat-twassil tas-CCS minkejja li bosta kundizzjonijiet oħra jkunu jridu jintlaħqu u bosta ostakli jingħelbu biex dan isir.

4.2

Fil-fehma tal-KESE il-Kummissjoni identifikat korrettament il-bżonn ta' rispons ta' politika urġenti. L-għażliet li qed tippreżenta l-Kummissjoni huwa jew li s-CCS isiru kummerċjalment vijabbli jew obbligatorji. Jeħtieġ li titpoġġa l-mistoqsija madanakollu ta' jekk rispons ta' politika bħal dan hux ser ikun possibli fiċ-ċirkustanzi attwali. Il-Kumitat għalhekk huwa ħafna favur li ssir enfasi iktar stretta fuq il-programm tas-CCS. Dan ikun jinvolvi rikonoxximent li f'dan l-istadju hemm bżonn iktar finanzjament pubbliku sostanzjali u minn firxa iktar wiesgħa ta' sorsi sabiex kwalunkwe proġett tas-CCS ikun jista' jseħħ. Hemm bżonn ta' konċentrazzjoni fuq numru suffiċjenti ta' proġetti ta' dimostrazzjoni iżda b'appoġġ finanzjarju li jammonta għad-doppju jew għat-triplu u provvista għall-appoġġ tal-operazzjoni sussegwenti.

4.3

Hija l-fehma tal-KESE li impenn bħal dan ikompli jiġi ġustifikat bħala investiment ta' riskju f'teknoloġija li tista' taqdi rwol sinifikanti fil-kuntest ta' ftehim internazzjonali dwar l-ipprezzar tal-karbonju jew mekkaniżmu ta' kwota. Nemmnu li ftehim bħal dan huwa prekondizzjoni biex isir progress ta' livell sinifikanti fl-iżvilupp tas-CCS (fl-Ewropa jew globalment). Nemmnu wkoll li rispons dettajlat għall-mistoqsijiet tal-Komunikazzjonij huwa possibbli biss wara evalwazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet li stabbilixxa l-Kunsill tal-UE u orjentazzjoni mill-ġdid tal-għanijiet u l-istrumenti ta' politika, iżda orjentazzjoni bħal din għandha tinvolvi approġġ pragmatiku lejn il-politika tal-enerġija u l-klima.

4.4

Dan is-suġġett diffiċli l-aħjar li jiġi indirizzat billi nistaqsu taħt liema kundizzjonijiet is-CCS mistennija jiġu implimentati fuq skala kbira fl-Ewropa, fejn diġà jeżistu bosta oqsfa leġislattivi u regolatorji fil-forma ta' Direttiva tas-CCS. Ħafna mir-risposti jinsabu fid-dokument tal-Kummissjoni.

Huwa neċessarju ftehim globali li jista' jiġi infurzat dwar l-azzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima, billi jinqasmu l-ispejjeż tal-ġlieda u l-miżuri ta' adattament. Mingħajr ftehim bħal dan l-ebda pajjiż jew blokk kummerċjali li jiddependi ekonomikament fuq iż-żamma ta' pożizzjoni kompetittiva fis-swieq globali ma jaqbillu, fil-perjodu medju u fit-tul, jimxi fuq progamm indipendenti ta' minimizzazzjoni tal-karbonju. Kwalunkwe proposta sabiex jiġi impost unilateralment mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-karbonju tkun, mil-lat tal-kompetittività u l-politika, inaċċettabbli b'mod partikolari fiċ-ċirkustanzi attwali. Ser ikun hemm bżonn ftehim gradwali u progressiv li jiżgura l-appoġġ taċ-ċittadini fil-pajjiżi demokratiċi.

Il-minimizzazzjoni tal-produzzjoni tal-karbonju ser ikollha tingħata prijorità fi ftehim bħal dan u l-prezz tal-karbonju li jirriżulta (ikun kif ikun inkiseb) u jiġi stabbilit jappoġġja l-każ intraprenditorjali biex jingħataw ir-riżorsi lis-CCS. Madanakollu s-CCS xorta jridu jippreżentaw każ kompetittiv kontra t-teknoloġiji alternattivi li qed ifittxu fondi għall-investiment bl-istess għan, bħal programmi ta' ħżin bijoloġiku jew il-ġbir u l-użu tal-karbonju. Il-KESE jqis li s-CCS għandhom pożizzjoni soda bħala t-teknoloġiji mexxejja fil-qasam tas-sekwestru tal-karbonju.

Ikun irid jiġi żgurat li l-pubbliku (jiġifieri anki fuq livell politiku) jilqa' s-CCS bħala teknoloġiji tal-ġbir tal-karbonju b'livell baxx ta' riskju fl-Istati Membri tal-UE fejn dawn huma għażla realistika. Dan japplika b'mod partikolari għar-riskji involuti fil-ħżin fuq l-art - l-uniku għażla għal ħafna Stati Membri u fejn il-prinċipju ta' prekawzjoni jeħtieġ li jitqies.

4.5

Il-probabbiltà li dawn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet jintlaħqu, abbażi tan-negozjati internazzjonali tal-klima sa issa, hija baxxa. Hemm dubju konsiderevoli ta' kemm jista' jintlaħaq ftehim globali effettiv dwar il-klima fil-konferenza tan-NU li ser issir f'Pariġi fl-2015. Ma teżisti l-ebda evidenza wkoll li dawk li huma responsabbli mit-tfassil tal-politika rnexxilhom jispjegaw b'mod konvinċenti lill-konsumatur l-ispejjeż futuri involuti f'każ ta' falliment tas-suq. Dan jirriżulta fil-prezzijiet attwali ta' oġġetti u servizzi li ma jirriflettux l-ispejjeż mistennija tal-impatt tat-tibdil fil-klima li ser iġorru l-ġenerazzjonijiet futuri. Iċ-ċittadini, bħala konsumaturi jew parti mill-elettorat, mhux lesti jilqgħu l-implikazzjonijiet, b'mod partikolari fi żmien ta' awsterità u tkabbir ekonomiku baxx jew negattiv.

4.6

Din l-Opinjoni s'issa wasslet messaġġ pessimist. Nemmnu li dan jirrifletti t-tħassib attwali tas-soċjetà ċivili. Ir-riżultat ta' riflessjoni ottimista u mhux realista fit-tfassil tal-politika huwa evidenti ħafna u huwa sors ta' disprament għal ħafna u diżillużjoni għal ħafna oħrajn. Jeżistu madanakollu raġunijiet li jwassluna biex nemmnu li s-sitwazzjoni attwali u l-perspettiva dwar il-politika tal-enerġija u l-klima (u kwistjonijiet relatati mas-CCS) jistgħu bil-mod jinbidlu.

4.7

Dejjem qed isir iktar ċar li l-leġittimità politika tal-UE ser tiddependi (u hekk għandu jkun) iktar minn kemm il-pubbliku jifhimha u kemm ikun involut fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk il-pubbliku ma jifhimx sew ir-raġunament li fuqu sserraħ il-politika tal-klima u tal-enerġija, jekk ma jilqax it-teknoloġiji tas-CCS, x'aktarx il-ġbir tal-karbonju ma jaqbiżx il-fażi tad-dimostrazzjoni jew l-użu kummerċjali preżenti bħal irkupru assitit taż-żejt u applikazzjonijiet relatati mal-ikel u x-xorb.

4.8

Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll li kull deċiżjoni li jieħu pajjiż dwar is-sorsi tal-enerġija u kwistjonijiet relatati fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq il-valuri ta' soċjetà dwar kunsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. Id-dimensjoni soċjali u etika dejjem tkun preżenti f'deċiżjonijiet bħal dawn. Dan sors ta' diffikultà li jostakola l-iżvilupp ta' politika komuni tal-UE billi bħal fil-qasam tal-enerġija, il-kompetenza aħħarija dwar is-sorsi u l-kompożizzjoni tal-provvista hija tal-Istati Membri.

4.9

Effett wieħed tan-nuqqas ta' għarfien fost iċ-ċittadini huwa li l-pubbliku ma jagħrafx il-potenzjal tat-teknoloġiji ta' kontra t-tibdil fil-klima bħas-CCS. L-impjiegi, pożizzjoni prominenti fl-innovazzjoni globali, tipi ġodda ta' investiment u metodi ta' finanzjament u l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda huma eżempju ta' benefiċċji bħal dawn. Jekk is-CCS jinfirxu sew jistgħu joffru iktar sigurtà tal-impjieg fl-industriji tradizzjonali bħall-minjieri.

4.10

Il-KESE għalhekk huwa favur u ser ikun attiv fl-iżvilupp ta' Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija, konverżazzjoni inklużiva, trasparenti, affidabbli u koordinata f'diversi livelli fl-Istati Membri u bejniethom. Din l-azzjoni għandha tispjega f'termini komuni, il-punti essenzjali dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija u kwistjonijiet relatati bħas-CCS, il-faqar enerġetiku, eċċ. Hija għandha tintroduċi d-diskussjoni dwar it-tranżizzjoni lejn użu iktar baxx tal-karbonju fil-klassi, fil-kafeterija u fil-kċina. Djalogu bħal dan għandu jitfassal b'tali mod li jkun jista' jikkontribwixxi fit-tfassil tal-politika u jħeġġeġ diskussjoni dwar kemm tista' fil-fatt tinstab rikonċiljazzjoni bejn għanijiet f'kunflitt ma' xulxin - enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli. Dan il-proċess ser jippermetti kontribut kwalitattiv u sod taċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet f'eżerċizzji ta' konsultazzjoni futuri u formali dwar l-enerġija. Id-djalogu ser jiffoka wkoll fuq it-tixrid ta' informazzjoni onesta u ser jaġixxi ta' faċilitatur u f'dan is-sens jista' jħeġġeġ u jżid id-diskussjonijiet dwar l-enerġija fl-Istati Membri u jaqdi rwol ta' komunikazzjoni prinċipali sabiex tinħoloq fehma iktar komuni dwar l-enerġija fl-Ewropa. F'dan il-kuntest is-CCS, bħala teknoloġija li tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-karbonju fl-atmosfera tista' tiġi evalwata b'mod komparattiv u jistgħu jiġu diskussi l-għażliet u l-kompromessi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kummissjoni tressaq il-punt fundamentali li l-eliminazzjoni tas-CO2 mill-kombustjoni tal-karburanti fossili hija importanti ħafna sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-miri tal-klima tal-UE tal-2050. Hemm bżonn li jiġi adottat aproċċ simili fuq skala globali u hemm bżonn ukoll li dawk li jfasslu l-politika jifhmu sew il-firxa tal-problema sabiex tkun tista' tiġi rikonċiljata mal-aspirazzjonijiet ekonomiċi. Ir-riservi tal-karburanti fossili fid-dinja jammontaw għal madwar 3, 000 biljun tunnellata dijossidu tal-karbonju jekk dan jinħaraq, iżda b'kombustjoni ta' 31 % biss minn dan l-ammont toħloq 80 % ċans li nibqgħu taħt żieda fit-temperatura ta' 2C. Għal 50 % ċans li nibqgħu taħt 2C jew inqas, irid jinħaraq biss 38 % ta' dan l-ammont (Unburnable Carbon http://www.carbontracker.org/wp-content/uploads/downloads/2012/08/Unburnable-Carbon-Full1.pdf). Ir-rwol li jaqdu s-CCS f'dan il-kuntest jeħtieġ li jitqiegħed fi proporzjon. Xenarju ottimist ta' 3, 800 proġett kummerċjali globali tas-CCS jippermetti żieda ta' biss 4 % ta' karburanti fossili li jistgħu jinħarqu mir-riservi (IEA World Outlook 2012). Ir-realtà hija li assi tal-enerġija li diġà ġew stmati li jiswew triljuni ta' euros ser ikollhom jintesew biex inkunu nistgħu nilħqu l-għanijiet tal-klima proposti mingħajr l-użu tas-CCS. Dan ser ikollu konsegwenzi ekonomiċi profondi. Essenzjali li jiġi rikonoxxut li hemm bżonn tinstab soluzzjoni għal din il-problema fundamentali sabiex il-politika tal-klima u tal-enerġija (u s-CCS) ikollhom ċans ikunu effettivi.

5.2

Id-dijossidu tal-karbonju jista' kemm jintuża kif ukoll jinħażen. Barra mill-irkupru assistit taż-żejt, l-użu fl-ikel u użi sekondarji oħrajn, huwa possibbli wkoll li l-inġinerija kimika u bijoloġika taqdi rwol fl-użu tas-CO2 fil-materjal tal-bini, l-għalf, proċessi kimiċi oħra u prodotti oħra bil-benefiċċju ta' iktar riċerka u żvilupp. Madanakollu, fil-ġejjieni mbassar, l-iskala tal-estrazzjoni tal-karburanti fossili turi li dan ser jaqdi rwol modest ħafna fil-ġlieda kontra l-problema tas-CO2.

6.   Tweġibiet speċifiċi għall-mistoqsijiet preżentati fil-Komunikazzjoni

1)

L-Istati Membri li bħalissa għandhom ammont kbir ta' faħam u gass fit-taħlita tagħhom tal-enerġija kif ukoll fil-proċessi industrijali tagħhom, u li għadhom ma għamlux hekk, għandhom jintalbu:

a.

jiżviluppaw pjan ċar dwar kif għandhom jirristrutturaw is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħhom lejn karburanti b’emissjonijiet bla karbonju (nukleari jew l-enerġiji rinnovabbli) sal-2050,

b.

jiżviluppaw strateġija nazzjonali li tipprepara għall-utilizzazzjoni tat-teknoloġija tas-CCS.

Il-benefiċċju li l-Istati Membri jintalbu jippjanaw minn qabel għal enerġija b'livell baxx ta' karbonju huwa li dan iżid l-informazzjoni fost dawk involuti fil-proċess u joffri l-potenzjal ta' valutazzjoni, anki jekk kemxejn skoraġġanti, tal-valur, l-ispiża u l-impatt li takkumpanja l-proposti leġislattivi futuri. Dan jista' jkun eżerċizzju utli iżda għandu jinkludi wkoll il-bilanċjar tal-għażliet nazzjonali komparattivi dwar proċessi ta' ġbir bijoloġiċi, kimiċi u fiżiċi u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet (1).

2)

Kif għandha tiġi ristrutturata l-ETS biex din tkun tista’ tipprovdi wkoll inċentivi sinifikanti għall-utilizzazzjoni tas-CCS? Dan għandu jiġi kkumplementat bl-użu ta’ strumenti bbażati fuq dħul mill-irkanti, simili għan-NER300?

Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-lezzjoni tal-vulnerabbiltà tal-ETS għall-forzi globali ekonomiċi. Huwa ċar li politika tal-klima li dwarha jkun sar qbil globali (jew in-nuqqas ta' qbil dwar dan) ser jiddeterminaw il-ġejjieni tal-ETS u r-riżultat tad-diskussjonijiet li ser isiru fl-2015 ser ikun kruċjali u l-miżuri radikali ta' rimedju li titlob l-ETS mhumiex possibbli mingħajr ċarezza politika globali. Fir-rigward tal-inċentivi finanzjarji b'mod ġenerali huwa ċar li hemm bżonn ta' appoġġ għall-ispejjeż tat-tħaddim tal-impjanti ta' dimostrazzjoni tas-CCS apparti l-finanzjament addizzjonali tal-ispejjeż tal-iżvilupp u l-kapital.

3)

Il-Kummissjoni għandha tipproponi mezzi oħra ta’ appoġġ jew tikkunsidra miżuri ta’ politika oħra biex twitti t-triq lejn l-utilizzazzjoni bikrija, billi:

c.

tappoġġja permezz ta’ rkantar approċċi ta’ riċiklaġġ jew oħrajn ta’ finanzjament

d.

Standard għall-Emissjonijiet

e.

sistema ta’ ċertifikazzjoni tas-CCS

f.

tip ieħor ta’ miżura politika

Il-Kummissjoni għandha tfittex metodi oħra ta' finanzjament għal proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS minkejja li azzjoni dwar l-użu bikri mifrux tas-CCS hija prematura għar-raġunijiet li ngħataw. Dan madanakollu ma jolqotx il-każ tal-finanzjament pubbliku ta' numru żgħir ta' proġetti ta' dimostrazzjoni. Il-ħidma fuq Standard tar-Rendiment tal-Emissjonijiet u sistema ta' ċertifikazzjoni tas-CCS tista' tesplora u tipprova metodi għal proċessi regolatorji li żgur ser ikun hemm bżonnhom fil-futur.

4)

Il-kumpaniji li jiġġeneraw l-enerġija għandhom minn issa’ l quddiem ikunu meħtieġa jinstallaw tagħmir lest għas-CCS għall-investimenti ġodda kollha (faħam u potenzjalment anki gass) biex jiffaċilitaw il-modifikazzjoni meħtieġa tas-CCS?

Dan huwa pass loġiku biex il-firxa tal-użu tat-teknoloġija tas-CCS ikollha probabbiltà li taqbeż il-medju. Attwalment dan jidher li mhux il-każ. Il-produtturi industrijali l-kbar tas-CO2 li jużaw sorsi tal-enerġija mill-karburanti fossili, b'mod speċjali l-produtturi tas-siment, għandhom jiġu trattati bl-istess mod.

5)

Il-fornituri tal-karburanti fossili għandhom jikkontribwixxu għas-CCS ta’ dimostrazzjoni u l-utilizzazzjoni tagħha permezz ta’ miżuri speċifiċi li jiżguraw finanzjament addizzjonali?

Ir-riskji implikati fil-falliment possibbli tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji tas-CCS jidhru li jpoġġuha fil-kategorija ta' finanzjament sħiħ mill-fondi pubbliċi, pro bono publico. Il-provvedituri tal-karburanti fossili għandhom ikunu involuti fl-użu sussegwenti tal-fondi u jista' jitressaq każ favur il-kontribut tagħhom fl-ispejjeż tal-iżvilupp. Madanakollu jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti bosta kwistjonijiet bħall-implikazzjoni tal-użu tar-regoli tad-WTO u l-bżonn li s-sorsi kollha tal-karburanti fossili jkunu kontributuri, anki dawk fejn attwalment ma jeżisti l-ebda proċess tas-CCS b'mod partikolari t-trasport.

6)

X’inhuma l-ostakli ewlenin biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed dimostrazzjoni tas-CCS fl-UE?

L-ostakli prinċipali huma:

in-nuqqas li jitwaqqaf mekkaniżmu realistiku tal-ipprezzar tal-karbonju li huwa sostenibbli fil-livell globali;

il-'kompetizzjoni' min-naħa ta' teknoloġiji oħra tas-sekwestru tal-karbonju jew li jużaw livell baxx tal-karbonju;

il-bżonn li l-pubbliku jilqa' dak li huwa meqjus bħala teknoloġija potenzjalment riskjuża;

il-possibbiltà li ma jkunx hemm fondi suffiċjenti li jappoġġjaw il-programm kemm f'termini ta' kapital kif ukoll spejjeż operattivi.

7)

Kif tista’ tiżdied l-aċċettazzjoni pubblika għas-CCS?

Permezz ta' djalogu attiv mal-pubbliku dwar is-CCS, il-benefiċċji potenzjali tagħhom u valutazzjoni realistika u indipendenti tar-riskji bħala parti minn approċċ globali lejn l-għarfien dwar l-enerġija. F'ċerti pajjiżi u reġjuni l-fatt li l-użu tas-CCS jista' jirriżulta f'impjiegi għandu jiġi rikonoxxut ukoll.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU, C 299, 4.10.2012.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b'Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri”

COM(2013) 231 final

2013/C 341/20

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar it-8 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper – It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri

COM(2013) 231 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u 19 Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’175 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid id-dossier tal-politika awdjoviżiva f'ambjent ta' konverġenza sabiex ikun hemm aċċess mifrux għall-kontenut Ewropew diversifikat. Huwa jilqa' wkoll it-tnedija mill-ġdid ta' konsultazzjoni pubblika ġdida dwar l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-innovazzjoni fil-livell tal-UE.

1.2

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħatfitx din l-okkażjoni biex tippreżenta proposti iktar konkreti u iktar strutturati għal dan il-qasam.

1.3

Il-KESE kien jippreferi li kieku, hija u tħejji l-Green Paper tagħha, il-Kummissjoni għażlet approċċ iktar iffokat fuq il-valuri fundamentali: il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet u l-interessi tal-utenti, b'mod partikolari l-minorenni u gruppi oħra vulnerabbli, filwaqt li teżamina l-għanijiet tal-programmi intiżi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-iżvilupp tas-suq u l-finanzjament tagħhom.

1.4

Madankollu, il-KESE bi pjaċir jilqa' l-maġġoranza tat-temi ttrattati fil-Green Paper u jirrikonoxxi r-rilevanza tal-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet li tressqu għall-konsultazzjoni pubblika, iżda jinnota li xi kultant m'hemmx element komuni li jgħaqqad id-diversi temi u mistoqsijiet ippreżentati.

1.5

Huwa konxju b'mod partikolari tal-isfidi u l-aspetti l-ġodda li jinħolqu mill-konverġenza, li joħolqu opportunitajiet kummerċjali sinifikanti għall-produtturi indipendenti, li jistgħu jfissru bidliet fil-mudelli ta' attività industrijali attwali.

1.6

Għad li huwa konxju tal-importanza ekonomika dejjem ikbar tas-servizzi awdjoviżivi on-demand fis-settur awdjoviżiv Ewropew, il-KESE madankollu jħoss li għandu jenfasizza li l-offerta tradizzjonali tas-servizzi awdjoviżivi lineari għadha tikkorrispondi għal parti kbira ħafna tad-drawwiet taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-midja, b'mod partikolari minħabba l-applikazzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika fl-offerta tradizzjonali, fejn fil-fatt jinsabu l-pedamenti tal-identità u d-diversità kulturali u lingwistika meħtieġa u li għandhom jiġu preservati b'mod urġenti.

1.7

Bl-istess mod, għad li jirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-innovazzjoni u l-konverġenza teknoloġika tas-servizzi awdjoviżivi mal-internet, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatti li din l-evoluzzjoni jista' jkollha fuq is-setturi tradizzjonali tal-midja, jiġifieri l-midja qrib il-livell reġjonali u lokali, b'mod partikolari fl-Istati Membri li għandhom lingwi minuri fi ħdan l-Unjoni, fejn hemm bżonn li jinżammu jew jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li jkompli jingħata dan is-servizz ta' interess pubbliku importanti, b'appoġġ għad-diversità lingwistika u kulturali u biex jiġi salvagwardjat il-pluraliżmu tal-informazzjoni.

1.8

Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li s-salvagwardja tal-pluraliżmu tal-informazzjoni, il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-preservazzjoni tar-rwol strutturali tal-midja bħala servizz pubbliku fl-ekosistema tal-midja Ewropea huma valuri ta' interess ġenerali li l-politiki futuri mhux biss għandhom jippreservaw imma anke jippromovu bħala element tal-mudell soċjali Ewropew.

1.9

Fi ftit kliem, il-KESE jqis li l-promozzjoni tal-kulturi Ewropej u s-salvagwardja minsuġa tal-interessi taċ-ċittadini u tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-minorenni u gruppi oħra vulnerabbli, għandha tkun wieħed mill-għanijiet ċentrali tad-dibattitu Ewropew dwar il-konverġenza awdjoviżiva.

1.10

F'dan il-kuntest, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kull azzjoni futura tagħha, ta' natura leġislattiva jew mhux, tqis ir-rakkomandazzjonijiet li fassal f'għadd kbir ta' opinjonijiet tiegħu, u b'mod partikolari l-osservazzjonijiet speċifiċi ta' din l-Opinjoni.

2.   L-għan tal-Green Paper

2.1

B'din il-Green Paper (COM(2013) 231 final), il-Kummissjoni għandha l-għan li tniedi dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-konsegwenzi tat-trasformazzjoni li għaddejja bħalissa fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva, xprunata mill-enfasi tal-konverġenza ta' dawn is-servizzi mal-internet.

2.2

Il-Kummissjoni tqis din il-bidla fl-ambjent teknoloġiku bħala opportunità biex jitwessa' l-aċċess għal kontenut Ewropew diversifikat ta' kwalità. Sabiex dan isir jeħtieġ li ssir riflessjoni dwar kemm huwa adegwat il-qafas regolamentari fis-seħħ u dwar ir-reazzjonijiet politiċi eventwali fil-livell Ewropew.

2.3

Fil-qafas ta' dan l-għan strateġiku, il-Kummissjoni tqajjem żewġ mistoqsijiet importanti:

X'nistgħu nagħmlu biex il-proċess ta' konverġenza f'suq Ewropew kbir jissarraf fi tkabbir ekonomiku u innovazzjoni intraprenditorjali fl-Ewropa?

X'inhuma l-implikazzjonijiet tal-konverġenza għall-valuri bħall-pluraliżmu fil-midja, id-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi l-kategoriji speċifiċi bħall-minorenni?

2.4

F'dan id-dokument b'mod ċar ħalliet barra l-aspetti relatati mad-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali li huma ttrattati fi Green Paper (1) oħra, u anke l-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni, li ġew trattati fil-proposti reċenti tal-Kummissjoni (2), filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tagħhom u r-rabta li teżisti bejn dawn it-temi.

2.5

Hija tammetti li din il-konsultazzjoni pubblika ma tassumix li ser tikseb riżultati speċifiċi. Madankollu, hija tirrikonoxxi li din il-konsultazzjoni tista' tikkontribwixxi għat-tfassil ta' tweġibiet potenzjali fit-tul fil-forma ta' prattiki regolamentari u politiċi, b'mod partikolari fir-rigward ta' internet iktar adatt għat-tfal, fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u anke fil-forma ta' inizjattivi ta' awtoregolazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-UE fid-dawl tal-importanza u r-rilevanza attwali tas-suġġett trattat. Il-konverġenza gradwali tas-servizzi tat-televiżjoni lineari mal-internet hija rikonoxxuta bħala waħda mit-tendenzi inevitabbli tal-evoluzzjoni tas-suq awdjoviżiv.

3.2

Madankollu, huwa jqis li l-istrument li ntuża (Green Paper) wasal tard, mhuwiex ambizzjuż u m'għandux rabta mat-temi differenti u l-kwistjonijiet preżentati, ħaġa li tista' twassal biex tagħti l-impressjoni ta' inċertezza fir-rigward ta' liema triq tixtieq tieħu l-Kummissjoni.

3.3

Waqt it-tħejjija tal-ħafna Opinjonijiet dwar l-aspetti differenti ta' dan is-suġġett, u qabel ma titħejja politika integrata futura tal-awdjoviżjoni f'ambjent ta' konverġenza teknoloġika fl-UE, il-KESE kien jippreferi kieku l-Kummissjoni għażlet approċċ iktar iffokat fuq il-valuri fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu fil-midja, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet u l-interessi tal-utenti, b'mod partikolari dawk l-iktar vulnerabbli, u b'hekk, teżamina l-aspetti importanti tal-innovazzjoni, tas-suq u tal-finanzjament kif ukoll ir-riżultat tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 (P7_TA(2013)0203), u mhux bil-maqlub.

3.4

Madankollu, il-KESE bi pjaċir jinnota l-maġġoranza tat-temi msemmija fil-Green Paper u jirrikonoxxi r-rilevanza tal-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imressqa għall-konsultazzjoni pubblika.

3.5

Huwa konxju tal-importanza ekonomika dejjem ikbar tas-servizzi awdjoviżivi on-demand fix-xena awdjoviżiva Ewropea.

3.5.1

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-offerta tradizzjonali tas-servizzi awdjoviżivi lineari għadha tikkorrispondi għal parti kbira ħafna tad-drawwiet tal-konsumaturi Ewropej fir-rigward tal-midja.

Fl-2012, iċ-ċittadin Ewropew ra t-televiżjoni għal medja ta' 3 sigħat u 55 minuta kuljum, 7 minuti iktar mill-2011.

3.6

Barra minn hekk, għad li jirrikonoxxi l-importanza strateġika tal-innovazzjoni u l-konverġenza teknoloġika tas-servizzi awdjoviżivi mal-internet, il-KESE jindika l-effetti potenzjali li dan il-fenomenu jista' jkollu fuq is-setturi tradizzjonali tal-midja, jiġifieri l-istampa u r-radju.

3.6.1

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha taqdi rwol importanti fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu li l-forom tradizzjonali ta' midja jadattaw għall-era diġitali, u li jiġu kkunsidrati ċerti speċifiċitajiet soċjokulturali tal-popolazzjoni indirizzati, li jibqgħu offline.

3.6.2

Għalhekk huwa jqis li fil-livell Ewropew għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex il-midja tradizzjonali, b'mod partikolari dik reġjonali u lokali, tkun tista' tkompli tipprovdi s-servizz importanti ta' interess pubbliku, b'appoġġ għad-diversità lingwistika u kulturali u s-salvagwardja tal-pluraliżmu tal-informazzjoni, fil-qafas tal-preservazzjoni tal-mudell soċjali Ewropew.

3.7

Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li s-salvagwardja tal-pluraliżmu tal-informazzjoni, il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-preservazzjoni tar-rwol strutturali tal-midja bħala servizz pubbliku fl-ekosistema tal-midja Ewropea huma valuri ta' interess għas-soċjetà b'mod ġenerali u għall-utenti tal-midja b'mod partikolari, ħaġa li l-politiki futuri ma jistgħux ma jqisuhomx (3).

3.8

Fi ftit kliem, il-KESE jqis li d-difiża tal-interess pubbliku u s-salvagwardja tal-interessi u d-drittijiet taċ-ċittadini għandhom ikunu għanijiet essenzjali tad-dibattitu Ewropew dwar il-konverġenza awdjoviżiva u linji gwida fundamentali tal-politika tal-Unjoni f'dan il-qasam.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Il-mistoqsijiet li tqajmu fil-qafas tal-konsultazzjoni pubblika jistgħu jinġabru f'6 suġġetti: l-aċċess għall-kontenut u l-pjattaformi (mistoqsija 1 sa 3); il-finanzjament tal-produzzjoni awdjoviżiva (mistoqsija 4 u 5); l-interoperabbiltà (mistoqsija 6); il-politika tal-infrastruttura u l-ispettru (mistoqsija 7 sa 9); il-konsegwenzi tal-konverġenza fuq ir-regolamentazzjoni (mistoqsija 10 sa 19); il-protezzjoni tal-minorenni (mistoqsija 20 sa 25) u l-aċċessibbiltà (mistoqsija 26 u 27).

4.2   Aċċess għall-kontenut u l-pjattaformi

4.2.1

Il-KESE jinsab imħasseb ukoll dwar l-idea li l-pjattaformi li jiġbru l-kontenut jistgħu jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni ħielsa fl-għoti tas-servizzi awdjoviżivi, u qabel kollox, jikkondizzjonaw b'mod negattiv il-libertà tal-għażla u l-aċċess tal-utenti għal firxa ta' kontenut ta' kwalità u diversifikata.

4.2.2

Għalhekk, huwa jqis li għandhom jiġu previsti miżuri regolamentari speċifiċi li jmorru lil hinn mir-regoli tal-kompetizzjoni, b'tali mod li jippromovu u jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn il-pjattaformi fil-livell nazzjonali u transnazzjonali, skont kif diġà ġie definit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 (4).

4.3   Finanzjament tal-produzzjoni awdjoviżiva

4.3.1

F'diversi okkażjonijiet, il-KESE kkonferma l-importanza tal-industriji kulturali Ewropej, inkluż is-settur awdjoviżiv, fl-istrateġija tal-Unjoni (5).

4.3.2

Fid-dawl ta' dan it-tibdil innotat fil-katina tal-valur tas-settur awdjoviżiv, b'mod partikolari l-importanza dejjem ikbar tal-pjattaformi u l-aggregaturi tal-kontenut, il-KESE jqis li l-ħtiġiet attwali tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (Direttiva SMA) ma jirrappreżentawx l-iktar mod adatt, proporzjonat u effikaċi għall-promozzjoni tal-ħolqien, id-distribuzzjoni u l-apprezzament tax-xogħlijiet Ewropej.

4.3.3

B'konsegwenza t'hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid il-qafas tal-obbligi tad-distributuri tat-televiżjoni u twessa' l-kamp tal-obbligi lill-atturi l-ġodda fil-katina tal-valur awdjoviżiva f'kuntest ta' konverġenza, billi jitqies l-impatt dejjem ikbar tas-servizzi fuq iċ-ċittadini u billi din id-Direttiva tiġi riveduta mill-iktar fis possibbli.

4.4   Interoperabbiltà tat-televiżjoni konnessa

4.4.1

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-interoperabbiltà tas-servizzi differenti distribwiti permezz tal-pjattaformi ibridi, billi tippromovi l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta għall-provvedituri kollha tal-kontenut u tas-servizzi u tiżgura li l-utenti jistgħu jagħżlu b'mod liberu u mingħajr diskriminazzjoni, b'mod partikolari f'ordni ġeografika, minn offerta ta' kwalità diversifikata.

4.5   Il-politika tal-ispettru

4.5.1

Bażikament, il-KESE qed jirreferi għall-Opinjonijiet tiegħu dwar l-ewwel programm dwar il-politika tal-ispettru tar-radju/il-broadband Ewropew (6), dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku" (7), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Promozzjoni tal-użu kondiviż ta’ riżorsi tal-ispettru tar-radju fis-suq intern" (8).

4.5.2

Fir-rigward tal-użu dejjem ikbar tal-mudelli ibridi mill-operaturi tas-servizzi awdjoviżivi, li jgħaqqdu r-radjudiffużjoni terrestri u l-użu tal-broadband għall-provvista tal-kontenut, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwettqu studji, li jqis li huma indispensabbli, dwar l-impatt ta' dawn il-mudelli kummerċjali fuq il-katina tal-valur tas-settur awdjoviżiv, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-aċċess għall-kontenut u l-pjattaformi, dawk li jikkonċernaw kemm liċ-ċittadini kif ukoll l-operaturi u l-produtturi tal-kontenut stess. Il-KESE jagħraf il-bżonn li jkun hemm infrastruttura li tiżgura kopertura tat-territorju sħiħ Ewropew permezz tal-broadband, fejn dan ikun fattur deċiżiv għall-promozzjoni tal-ugwaljanza diġitali taċ-ċittadini.

4.6   Konsegwenzi għar-regolamentazzjoni

4.6.1

Fid-dawl tal-iżviluppi l-ġodda fit-teknoloġija u s-suq, il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tniedi mill-iktar fis konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva SMA.

4.6.2

Fil-qafas ta' din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistudja l-problema tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, b'mod partikolari l-possibbiltà li jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-konċentrazzjoni tal-proprjetà tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva lineari u l-kwistjoni ċentrali tad-definizzjoni tal-idea tar-responsabbiltà editorjali fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva. Din ir-reviżjoni għandha ssegwi l-prinċipju fundamentali li jkun xi jkun l-appoġġ għall-aċċess għall-awdjoviżjoni, il-valuri fundamentali għandhom ikunu rispettati u garantiti b'mod identiku, irrispettivament mill-bidliet rekwiżiti minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' dan l-appoġġ.

4.6.3

Il-KESE jqis li jkun daqstant utli li l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal reviżjoni u sistematizzazzjoni tar-regoli applikabbli għall-komunikazzjonijiet kummerċjali fis-servizzi tal-midja awdjoviżiva, li bħalissa jinsabu mifruxa f'diversi strumenti leġislattivi, kif ġie indikat f'Opinjonijiet preċedenti (9).

4.7   Il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja

4.7.1

Huwa importanti li jitqies b'mod xieraq il-fatt li r-rispett tal-libertà tal-istampa u l-pluraliżmu tal-midja, bħala elementi strutturali taċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva, stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, huwa essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-proċess ta' integrazzjoni tal-Unjoni.

4.7.2

B'konsegwenza t'hekk u b'koerenza mal-punti ta' tħassib tal-Parlament Ewropew, il-KESE jqis li, bħala prijorità, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti, inkluż li tippreżenta inizjattiva leġislattiva dwar il-pluraliżmu u l-konċentrazzjoni tal-midja, biex tagħti segwitu b'mod partikolari għar-rapport taċ-Ċentru għall-pluraliżmu u l-libertà tal-midja u r-rapport tal-grupp ta' livell għoli dwar il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu.

4.7.3

Fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq awdjoviżiv Ewropew li huwa fframmentat, li qed jiffaċċja ostakli lingwistiċi u kulturali u ankrati f'kuntest ekonomiku partikolarment diffiċli, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-midja bħala servizz pubbliku fis-salvagwardja tal-pluraliżmu politiku u l-promozzjoni tad-diversità kulturali. Għalhekk, huwa jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tippromovi dibattitu vast dwar il-mduell ta' governanza li għandu jiġi applikat għall-midja bħala servizz pubbliku fil-kuntest ġdid ta' konverġenza, u b'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar dan is-suġġett.

4.8   Il-protezzjoni tal-minorenni u l-gruppi vulnerabbli

4.8.1

Fid-dawl tad-dimensjoni kulturali tal-midja u l-impatt tagħha fuq is-soċjetà b'mod ġenerali, il-KESE jqis il-protezzjoni tal-minorenni u gruppi oħra vulnerabbli tas-soċjetà fir-rigward tal-midja awdjoviżiva u l-ambjent diġitali (l-internet, in-netwerks soċjali, eċċ.) bħala wieħed mill-punti ta' tħassib kbir li għandhom impatt fuq aspetti importanti bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni tal-immaġni u drittijiet fundamentali rikonoxxuti oħra, b'mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u llum stabbiliti wkoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'xorti tajba ħafna integrati fil-verżjoni attwali tat-Trattat. Jekk il-konverġenza awdjoviżiva, li tittrasforma l-ispettatur f'attur tal-midja (l-interattività) tiftaħ possibbiltajiet enormi ta' komunikazzjoni u informazzjoni, huwa daqstant minnu li tista' tesponi wkoll lill-persuni l-iktar vulnerabbli għal aġir illeċitu (iċ-ċiberkriminalità).

4.8.2

Għalhekk dan huwa aspett li l-KESE ġieli enfasizzah f'ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu l-iktar reċenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' ċerti inizjattivi tal-Kummissjoni, li għalkemm rakkomandabbli fihom innifishom, skont hu huma timidi wisq. Huwa insista b'mod partikolari fuq il-bżonn li l-persuni inkarigati mill-edukazzjoni tat-tfal jiġu żgurati li jkun hemm u li jkunu aċċessibbli l-filters tal-kontenut u l-klassifika adatti għall-etajiet konċernati.

4.8.3

Il-KESE huwa konvint li biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-minorenni u persuni oħra vulnerabbli, fir-rigward tal-użu tal-internet b'mod ġenerali u l-midja awdjoviżiva b'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi żgurat bilanċ u li jinstab approċċ tajjeb bejn id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u l-għan tal-interess pubbliku li jiġu protetti l-minorenni, irrispettivament mill-appoġġ għall-aċċess.

4.8.4

Madankollu, ta' min ifakkar li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi (10) li l-operaturi tas-servizzi tat-televiżjoni on-demand la taw risposta effikaċi fir-rigward tas-sistemi ta' koregolazzjoni u awtoregolazzjoni intiżi biex jipproteġu l-minorenni minn kontenut preġudikabbli, u lanqas dak li jikkonċerna l-mezzi tekniċi li jagħtu lit-tfal aċċess selettiv għall-kontenut tal-internet.

4.8.5

Din hija waħda mit-temi li l-KESE jixtieq jippreżenta bħala waħda mill-iktar rilevanti fit-tħejjija futura ta' politika awdjoviżiva integrata tal-UE li għaliha jipprevedi mhux biss miżuri ta' natura leġislattiva (regolazzjoni, awtoregolazzjoni u koregolazzjoni) imma anke miżuri ta' edukazzjoni għall-midja, informazzjoni, litteriżmu diġitali u tisħiħ tal-kapaċitajiet, kemm tal-minorenni kif ukoll tal-familji u l-iskejjel. F'dan il-kuntest huwa jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jiżdied l-użu tal-filters tal-kontenut mill-ġenituri u l-persuni inkarigati mill-edukazzjoni.

4.9   Aċċessibbiltà

4.9.1

Il-KESE jirreferi hawnhekk b'mod ġenerali għall-Opinjonijiet tiegħu dwar l-aċċessibbiltà (11).

4.9.2

B'mod ġenerali, f'dawn l-aħħar Opinjonijiet huwa jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-aċċessibbiltà bħala dritt fundamentali, u fil-każ partikolari tas-servizzi awdjoviżivi u tas-siti tal-internet, li dawn għandhom jitqiesu bħala servizzi ta' interess ġenerali (12).

4.9.3

Għalhekk hemm bżonn rekwiżiti legali li jistgħu jiġu applikati direttament fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi awdjoviżivi, biex jiġi żgurat l-aċċess għall-persuni b'diversi tipi ta' diżabbiltà u restrizzjonijiet ta' komunikazzjoni.

Dan it-tip ta' rekwiżiti għandhom ikunu bbażati fuq standardizzazzjoni Ewropea msaħħa, mhux biss b'rispett għall-kontenut awdjoviżiv, iżda anke għad-distribuzzjoni tan-netwerk, il-kompjuters tal-utenti u s-softwer tal-interfaċċja. Huwa kruċjali li s-suq jingħata garanziji għas-soluzzjonijiet tal-aċċessibbiltà verament pan-Ewropea, sabiex jinġibdu operaturi ġodda f'dan is-suq u jitnaqqsu l-ispejjeż.

4.10   Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jiġi adottat approċċ globali u olistiku fir-rigward tal-għan programmatiku tal-inklużjoni diġitali, li fil-qafas tiegħu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu liċ-ċittadini Ewropej kollha l-aċċessibbiltà tal-ambjent diġitali, b'mod partikolari s-servizzi tat-televiżjoni konnessa, bis-saħħa tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-inizjattivi favur apprendistat kontinwu tal-kompetenzi u l-kultura diġitali (13).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2011) 427 final, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 69-73.

(2)  COM(2012) 10 final, COM(2012) 11 final, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90-97.

(3)  ĠU C 140, 18.5.2000; ĠU C 116, 20.4.2001, p. 30-36 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 109-114.

(4)  ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1-14.

(5)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35-39; u ĠU C 198, 10.7.2013, p. 39-44; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63-68, OJ C 248, 25.8.2011, p. 144-148, u ĠU C 143, 22.5.2012, p. 69-73.

(6)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53-57.

(7)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 178-181.

(8)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 22-26.

(9)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 6-11.

(10)  COM(2011) 556 final.

(11)  ĠU C 94, 18.4.2002, p. 9-13; ĠU C 117, 30.4.2004, p. 49-51; ĠU C 110, 9.5.2006, p. 26-32; ĠU C 175, 27.7.2007, p. 91-95; L-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet tal-korpi tas-settur pubbliku (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Aċċessibbiltà bħala dritt tal-bniedem (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Servizzi ta' interess ġenerali bi prezz li jintlaħaq (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9-18.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-abbozz ta' “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleari”

COM(2013) 343 final

2013/C 341/21

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar it-13 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat Euratom, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

l-abbozz ta' Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/71/EURATOM li jistabbilixxi qafas Komunitarju għas-Sikurezza Nukleari ta' installazzjonijiet nukleari

COM(2013) 343 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2013.

Matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'160 vot favur, 9 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' pożittivament l-emendi f'ħin opportun għad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, li kienu r-riżultat tal-mandat tal-Kunsill Ewropew lill-Kummissjoni biex tikkunsidra u tipproponi l-bidliet leġislattivi meħtieġa wara d-diżastru ta' Fukushima. Wara dan, testijiet tal-istress tal-impjanti nukleari Ewropej identifikaw żoni li jeħtieġu li tingħatalhom attenzjoni. Is-sikurezza nukleari hija kwistjoni transkonfinali importanti ħafna għall-UE. Kif din il-kwistjoni hija perċepita mill-pubbliku għandu impatt sinifikanti fuq il-politika nazzjonali. Iċ-ċittadini, bir-raġun, jistennew standards għoljin u konsistenza li jistgħu jiġu verifikati.

1.2

Il-Kumitat huwa mħeġġeġ jara li bosta kwistjonijiet enfasizzati fl-Opinjonijiet (1) preċedenti tagħna dwar is-sikurezza nukleari ġew indirizzati f'din il-proposta. Dawn jinkludu approċċ aktar b'saħħtu għall-armonizzazzjoni fost l-Istati Membri, il-kjarifikazzjoni tar-responsabbiltajiet regolatorji, il-kompetenza u l-kapaċità, l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, u azzjoni fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija u rispons fil-każ ta’ emerġenza fis-sit. B'mod partikolari nirrakkomandaw l-approċċ imsaħħaħ għal trasparenza ġenerali u r-rieda li jiġu inklużi obbligi speċifiċi bħala kontribut meħtieġ u potenzjalment effettiv sabiex jiġi indirizzat tħassib pubbliku.

1.3

Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-approċċ imtejjeb ħafna għar-responsabbiltà regolatorja, il-kompetenza, l-applikazzjoni u l-indipendenza nazzjonali, li jsaħħaħ kull wieħed minn dawn l-oqsma u jipprovdi wkoll mekkaniżmi ta' appoġġ u verifika.

1.4

L-Artikolu estiż dwar id-"definizzjonijiet" ser jgħin biex l-interpretazzjoni tkun ċara u biex ikun hemm aktar infurzar legali, għalkemm għandu jkun żgurat li t-test huwa kompatibbli mad-definizzjonijiet ekwivalenti meta dawn ikunu provduti minn WENRA (Western European Nuclear Regulatory Authorities) u l-IAEA (International Atomic Energy Authority) u aġġornat kif meħtieġ sabiex jibqa' konsistenti mat-terminoloġija li dwarha jkun intlaħaq ftehim internazzjonali.

1.5

It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet għal arranġament tal-istat ta’ tħejjija u rispons fil-każ ta’ emerġenza fuq is-sit ġie notat. Ser tkun meħtieġa azzjoni immedjata b'rispons għal rakkomandazzjonijiet mir-rapport dwar x'inhu għaddej fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija fil-każ ta’ emerġenza fuq is-sit, meta dan ikun disponibbli. Dan huwa qasam ta' tħassib partikolari għaċ-ċittadin Ewropew u jeħtieġ li jitwaqqfu miżuri addizzjonali urġenti u effettivi.

1.6

Id-dispożizzjonijiet għall-informazzjoni pubblika u t-trasparenza ġew miżjuda iżda l-Istati Membri għandhom jintalbu jiżguraw li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili jiġu appoġġjati fil-prattika u b'mod attiv fl-iżvilupp, mal-awtorità regolatorja, ta' proċessi parteċipattivi għat-tisħiħ tal-involviment tal-pubbliku fit-tħejjija, ir-reviżjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet.

1.7

Il-Kumitat japprezza l-azzjoni immedjata meħuda mill-Kummissjoni biex tressaq din id-direttiva ta' emenda. Ninnutaw ukoll li l-analiżi internazzjonali tat-tagħlimiet misluta mill-każ ta' Fukushima għadha għaddejja u li r-reviżjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari attwali tista' titfa' aktar dawl fuq il-kwistjoni tas-sikurezza waqt li qed isseħħ. Il-partijiet kollha huma impenjati favur titjib kontinwu u l-esperjenza tindika li t-titjib tas-sikurezza nukleari ser jibqa' fi stat ta' żvilupp kontinwu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2009, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Qafas Komunitarju dwar is-sikurezza nukleari  (2) propost, il-KESE indika t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li ttieħed biex jiġi żviluppat u mirbuħ kunsens biżżejjed sabiex titressaq l-ewwel direttiva dwar is-sikurezza nukleari (2009/71/ Euratom); Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 1975 dwar il-problemi teknoloġiċi tas-sikurezza nukleari kienet talbet biex tittieħed azzjoni adegwata u approċċ armonizzat fil-livell Komunitarju. Bil-kontra ta' dan, damu biss erba' snin, mhux 34 sena, biex jiġu proposti dawn l-emendi għad-Direttiva tal-2009.

2.2

Hemm għadd ta’ raġunijiet għal din il-bidla fir-ritmu. L-ewwel nett, l-emendi proposti huma risposta għar-rapport dwar il-programm estensiv dwar it-testijiet tal-istress li twettaq fl-Ewropa wara l-impatt tat-tsunami fuq il-kumpless tal-impjant nukleari ta' Fukushima Daiichi f'Marzu 2011. Fil-Ġappun, dan kien espona firxa ta' dgħufiji u fallimenti tekniċi, operattivi u regolatorji. Madankollu, l-emendi jirriflettu wkoll tħassib li ntwera qabel l-2009 li, minħabba l-fehmiet espressi mir-regolaturi, l-Istati Membri u l-industrija nukleari, ma kienx possibbli li jiġu inklużi fid-Direttiva oriġinali. Fukushima mhux biss għamilha possibbli li jerġa' jiġi kkunsidrat dan it-tħassib, iżda kellu wkoll impatt kbir u dirett fuq il-politika nukleari f'bosta Stati Membri.

2.3

Din l-Opinjoni tesprimi r-responsabbiltà tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jirrifletti l-fehmiet u t-tħassib tas-soċjetà ċivili inġenerali, responsabbiltà li f'dan il-każ hija miżjuda mill-proċedura taħt l-Artikolu 31 tat-Trattat tal-Euratom (dwar kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà) fejn l-Opinjoni tal-Kumitat hija rekwiżit ta' prijorità. Il-Kumitat fil-passat kien ikkummenta li peress li d-direttivi dwar is-sikurezza nukleari jinkludu kwistjonijiet fundamentali dwar is-saħħa tal-ħaddiema, l-ambjent u s-sigurtà pubblika (rispons f'każ ta' emerġenza), li l-UE tindirizza taħt it-TUE u t-TFUE, hemm raġuni għalfejn din tista' tiġi ttrattata taħt dawn it-trattati minflok il-Euratom. Dan iżid ukoll il-kredibbiltà demokratika peress li l-kwistjoni jkollha tiġi kodeċiża mal-Parlament Ewropew.

2.4

Parti mill-pubbliku għadha mħassba dwar il-132 reattur nukleari li joperaw fl-Ewropa. Minkejja li l-attitudnijiet ivarjaw fl-Istati Membri, l-impjanti nukleari jistgħu jibqgħu sors ta' ansjetà moħbija, sentiment li jista' jiġi stimolat ħafna minn avvenimenti esterni. Ħafna ċittadini qed ifittxu għal assigurazzjoni f'forma li jistgħu jifhmu u jafdaw fiha u jduru lejn l-UE li għandha esperjenza estensiva u reputazzjoni tajba inġenerali fiż-żieda u l-konsolidazzjoni tal-kwistjonijiet tas-sigurtà pubblika. F'sens importanti Fukushima ta sinjal li ma jistax ikompli jiġi promoss il-kunċett ta' sikurezza assoluta, li fil-Ġappun hija tendenza f'termini teknoloġiċi u istituzzjonali. L-isfida li qed jiffaċċja kwalunkwe approċċ leġislattiv hija jekk dan jistax jappoġġja approċċ relattiv għas-sikurezza li jista' jsostni l-fiduċja pubblika. Din il-fiduċja ser tkun ibbażata fuq taħlita ta' kif inhu perċepit ir-riskju u s-saħħa tal-miżuri protettivi jew ta' mitigazzjoni. Għadhom ma jeżistux standards tas-sikurezza kompletament armonizzati għall-Ewropa, u jeżisti tħassib pubbliku fejn hemm it-twemmin li l-istandards tas-sikurezza, jew l-infurzar tagħhom, f'pajjiż li jmiss magħhom huma aktar baxxi minn dawk ta' pajjiżhom. Wieħed jista' jifhem li soluzzjoni għal dan it-tip ta' varjabbiltà hija awtorità kompetenti fil-livell tal-UE.

2.5

Fl-Istati Membri kollha, is-sikurezza nukleari hija r-responsabbiltà tal-operaturi tal-impjant li jaġixxi fi ħdan qafas sorveljat mill-korp regolatorju nazzjonali. Il-każ ta' Fukushima qajjem dubji dwar sensiela ta' kwistjonijiet inklużi t-tfassil tal-impjant u l-azzjonijiet ta' difiża, l-isforzi ta' mitigazzjoni, ir-rispons f'każ ta' emerġenza, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni, l-iżbalji umani, il-governanza, it-trasparenza u s-sorveljanza regolatorja. L-implikazzjonijiet ta' għadd limitat ta' dawn il-kwistjonijiet – peress li jistgħu jkunu applikabbli għall-impjanti nukleari u s-sikurezza Ewropej – ġew indirizzati fil-proċess tat-test ta' stress u rapporti sussegwenti.

2.6

Is-sikurezza nukleari hija kwistjoni transkonfinali u l-UE ħadet azzjoni peress li l-istandards tas-sikurezza u l-konvenzjonijiet internazzjonali li jiggvernaw is-sikurezza nukleari huma jew legalment nonvinkolanti jew direttament mhux infurzabbli legalment. Il-proposti għal emenda preżenti huma r-riżultat tal-mandat li ngħata lill-Kummissjoni mill-Kunsill Ewropew sabiex tirrevedi l-qafas legali u regolatorju eżistenti u tipproponi kwalunkwe titjib meħtieġ.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta hija reviżjoni tal-qafas legali u regolatorju eżistenti għas-sikurezza nukleari li għandu l-għan jiggarantixxi standards konsistenti u għoljin tas-sikurezza nukleari u s-sorveljanza. Fid-dawl tat-testijiet tal-istress u t-tagħlimiet misluta mill-istħarriġ dwar Fukushima, qed jiġi propost li, f'xi aspetti u fejn hu possibbli, il-qafas tas-sikurezza nukleari Ewropew jiġi aġġustat skont l-aktar standards tekniċi l-aktar riċenti, u li tinħtieġ aktar trasparenza.

3.2

Is-setgħat u l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissaħħu u jingħataw rwol akbar, bl-appoġġ ta' persunal espert u riżorsi. Flimkien mal-operaturi tal-impjant, dawn ser ikunu mitluba jiżviluppaw u jippubblikaw strateġija sabiex jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku, b'mod speċjali fil-każ ta' inċidenti iżda wkoll għall-ħidma normali. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw ħafna aktar fil-liċenzji tal-impjanti nukleari.

3.3

L-għażla tal-post, it-tfassil, il-bini, l-ikkummissjunar, il-ħidma u d-dekummissjunar tal-impjanti nukleari ser ikunu soġġetti għal għanijiet ta' sikurezza ġodda u ser tiġi introdotta sistema madwar l-UE kollha ta' reviżjoni mill-pari tal-installazzjonijiet nukleari kull sitt snin, li tirriżulta fl-iżvilupp ta' linji gwida tekniċi għat-titjib tas-sikurezza nukleari.

3.4

Impjanti nukleari ġodda għandhom jitfasslu b'mod li jekk isir dannu lill-qalba tar-reattur dan ma jkollux konsegwenzi barra mill-impjant, u kull impjant għandu jkollu ċentru protett sew ta' rispons f'każ ta' emerġenza u linji gwida stretti għall-ġestjoni ta' inċident.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE segwa mill-qrib id-dibattitu dwar is-sikurezza nukleari, il-proċess tat-test tal-istress u l-iżviluppi sussegwenti tiegħu. Fl-Opinjoni tiegħu Rapport finali dwar it-testijiet ta’ reżistenza nukleari  (3), il-KESE ħeġġeġ li ssir reviżjoni ambizzjuża tad-direttiva tal-2009. Il-Kummissjoni Ewropea stqarret biċ-ċar ukoll l-ambizzjonijiet tagħha għad-direttiva fir-rapport tagħha dwar it-testijiet tal-istress (4). Din identifikat erba' oqsma prinċipali fejn id-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari kienet teħtieġ reviżjoni, li huma:

proċeduri u oqfsa tas-sikurezza;

rwol u mezzi tal-awtoritajiet regolatorji nukleari;

ftuħ u trasparenza;

monitoraġġ u verifika.

Analiżi qasira dwar jekk inkisbux l-għanijiet identifikati taħt dawn l-erba' intestaturi tinsab fis-sitt taqsima.

4.2

Din il-proposta tippreżenta 'l fuq minn 90 emenda għad-direttiva eżistenti, u wħud minnhom huma ta' ċertu tul u sostanza. Il-premessi estensivi għad-direttiva joffru gwida għall-interpretazzjoni dwar ir-razzjonal u l-implimentazzjoni prattika għalkemm wieħed għandu jinnota li l-Artikoli tad-Direttiva jikkostitwixxu t-test ta' sustanza li din l-Opinjoni qed teżamina.

4.3

Il-KESE jinnota li t-terminu "raġonevolment possibbli", kif użat fit-test, minkejja li huwa mogħni b'definizzjoni mwessa', jista' jwassal biex jingħata piż mhux mistħoqq lil konsiderazzjonijiet ekonomiċi jew politiċi. Alternattiva għal dan jista' jkun l-użu ta' "l-Aqwa Teknoloġiji Disponibbli (BAT)" u l-"Aqwa Prattika Regolatorja (BRP)", kif applikabbli, iżda din iġġib magħha implikazzjonijiet ta' spejjeż sinifikanti.

4.4

Il-KESE jinnota li għalkemm il-Kummissjoni tiddikjara li d-Direttivi għandhom jiżguraw li impjanti nukleari ġodda jitfasslu b'mod li jekk isir dannu lill-qalba tar-reattur dan ma jkollux konsegwenzi barra mill-impjant, l-opinjoni teknika u xjentifika attwali tissuġġerixxi li dan ir-rekwiżit ma jistax jintlaħaq u huwa prattikament impossibbli li jiġu eliminati bis-sħiħ il-konsegwenzi kollha fuq barra tas-sit.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Id-direttiva oriġinali ser tiġi msaħħa, estiża u ċċarata b'din id-direttiva li temenda, u ser jiġu indirizzati għadd ta' dubji speċifiċi rilevanti għall-assigurazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet ta' sikurezza. B’mod partikolari l-Kumitat jilqa':

L-estensjoni u l-kjarifika fl-Artikolu 3 tad-definizzjonijiet tat-termini, b'mod partikolari fejn jista' jkun hemm inċertezza. Pereżempju, id-definizzjoni aktar ċara ta' termini bħal "li prattikament telimina" tneħħi ħafna mill-ambigwità li jista' jkun hemm u ser iżżid il-fiduċja pubblika b'approċċ konsistenti. Madankollu, għandu jkun żgurat li fejn definizzjonijiet ekwivalenti jkunu provduti minn l-IAEA u WENRA, it-terminoloġija għandha tkun konsistenti u aġġornata kif meħtieġ.

Ir-rekwiżit speċifiku li l-arranġamenti tas-sikurezza jkopru l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-installazzjonijiet nukleari. (Artikolu 4.1 a)

Iż-żamma tal-prinċipju tal-indipendenza legali tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u t-tisħiħ konsiderevoli tagħhom bl-inklużjoni ta' referenza speċifika għall-indipendenza mill-interess politiku, il-provvediment ta' baġit adegwat b'ġestjoni awtonoma u riżorsi adegwati ta' persunal espert (Artikolu 5.2), u definizzjoni aktar ċara tas-setgħat legali. (Artikolu 5.3)

L-inklużjoni speċifika tar-rekwiżiti ta' verifika ta' "difiża profonda" appoġġjati minn definizzjoni ċara. (Artikolu 6.3).

Ir-rekwiżit li applikanti għal-liċenzji għandhom iressqu dimostrazzjoni dettaljata tas-sikurezza li tikkorrespondi mad-daqs tal-periklu. (Artikolu 6.4 a)

L-estensjoni għas-sottokuntratturi tar-rekwiżit li jinżammu kompetenzi estensivi relatati mas-sikurezza. (Artikolu 6.5).

L-inklużjoni ta' arranġamenti li jappoġġjaw it-tħejjija u r-rispons f'każ ta' emerġenza fuq il-post. (Artikolu 7).

5.2

Il-KESE jfaħħar it-titolu l-ġdid u t-twessigħ tal-Artikolu 8, li issa jittratta t-Trasparenza, u t-Taqsima 2 il-ġdida li tiddefinixxi Obbligi Speċifiċi estensivi. Preċedentement, l-Artikolu 8, bit-titolu "Informazzjoni għall-pubbliku" kellu kamp ta' applikazzjoni limitat ħafna. Meħudin flimkien mal-Artikoli 8.a-f, u d-definizzjonijiet imwessa' fl-Artikolu 3, dawn issa jammontaw għal madwar 50 % tat-test tad-Direttiva emendata. L-infurzar legali għandu jiżdied b'dawn id-dispożizzjonijiet għalkemm xi oqsma jibqgħu suxxettibbli għal interpretazzjoni diverġenti. Huwa partikolarment inkoraġġanti meta wieħed jara d-dispożizzjonijiet il-ġodda estensivi li qed jiġu proposti u li jistgħu jirriżultaw siewja mhux ħażin biex jindirizzaw it-tħassib ġustifikabbli taċ-ċittadini. Fosthom wieħed jista' jenfasizza:

Obbligu li titwettaq u tiġi applikata strateġija trasparenti li tkopri l-eventwalitajiet kollha. (Artikolu 8.1)

Enfasi fuq il-provvediment ta' informazzjoni b'referenza għall-obbligi internazzjonali. (Artikolu 8.3). Minkejja li mhux imsemmi fit-test tad-direttiva, il-preambolu jiddikjara li l-iskambji mal-esperti, li pparteċipa fihom il-KESE, ikkonfermaw ir-rwol tant importanti tal-pubbliku fil-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

Appoġġ b'saħħtu għal objettivi u metodoloġija tas-sikurezza aktar rigorużi. (Artikoli 8a-8c).

L-iżvilupp ta' rekwiżiti (flimkien mal-Artikolu 7) għal tħejjija u rispons f'każ ta' emerġenza fuq is-sit. (Artikolu 8d).

L-espansjoni u l-estensjoni tar-rekwiżi għal reviżjoni mill-pari internazzjonali. (Artikolu 8e).

5.3

Il-KESE jinnota li s-suġġett importanti tat-tħejjija f'każ ta' emerġenza mhux fuq is-sit u l-komunikazzjoni f'każ ta' kriżi ma ġiex indirizzat f'din id-direttiva iżda huwa s-suġġett ta' reviżjoni u rapport attwali b'rakkomandazzjonijiet li għandhom jitressqu sal-aħħar tal-2013. Kwalunkwe azzjoni meħtieġa għandha tittieħed fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala kwistjoni urġenti.

5.4

Il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-faċilitajiet nukleari kontra attakk terroristiku ġiet ittrattata bħala linja separata flimkien mal-programm tat-test tal-istress u ntbagħat rapport dwarha lill-Kunsill Ewropew fl-2012. L-Istati Membri jqisu l-miżuri ta' sikurezza bħala kwistjoni ta' kompetenza sovrana li taqa' barra mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari. Wieħed għandu jinnota li l-Awtorità tar-Regolazzjoni Nukleari fil-Ġappun, fl-analiżi wara l-każ ta' Fukushima, iddeċidiet li titlob lill-impjanti nukleari kollha biex jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jiżguraw li l-impjanti huma protetti kontra l-possibbiltà ta' attakki terroristiċi.

5.5

Sa ċertu punt id-Direttiva tespandi r-rekwiżiti leġislattivi. Huwa importanti li r-rekwiżiti ġodda huma meħtieġa, proporzjonali u jservu l-iskop li jassiguraw is-sikurezza pubblika. Il-KESE huwa tal-fehma li nkiseb bilanċ adegwat fid-direttiva ta' emenda.

6.   Il-proposta ser telimina d-dgħufijiet identifikati fid-direttiva preżenti?

6.1

Id-differenzi dejjiema bejn l-Istati Membri jirriżultaw fin-nuqqas ta' approċċ konsistenti għas-sikurezza nukleari. Dan ġie identifikat (mill-Kummissjoni) bħala s-sejba ewlenija li kapaċi titranġa permezz ta' qafas leġislattiv. In-nuqqas ta' mekkaniżmi kodifikati tal-UE sabiex jintlaħaq ftehim dwar standards tekniċi u l-mezzi ta' kif għandhom jitwettqu r-reviżjoni tas-sikurezza huma enfasizzati. L-Artikolu 8f ta' emenda jistabbilixxi mekkaniżmu bħal dan, għalkemm il-KESE jemmen li l-frażi "l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti, b’mod konġunt jiżviluppaw u jistabbilixxu linji gwida" mhijiex preċiża u tindika riżoluzzjoni insuffiċjenti dwar din il-kwistjoni. L-effettività ta' dan l-approċċ għaldaqstant għandha tibqa' tiġi analizzata u fil-każ ta' dubji serji, għandu jitqies it-twaqqif ta' Aġenzija Regolatorja tal-UE dwar is-Sikurezza Nukleari. Dan l-approċċ jista' joffri vantaġġi sinifikanti f'termini ta' aċċess għal ħiliet u riżorsi għal Stati Membri iżgħar.

6.2

Il-kwistjonijiet dwar l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali, ir-responsabbiltajiet maqsuma, in-nuqqas ta' koordinazzjoni, ir-riżorsi adegwati u l-kompetenzi definiti huma kollha oqsma li jridu jiġu indirizzati. L-Artikolu 5 ta' emenda jipprovdi ħafna aktar rekwiżiti leġislattivi speċifiċi tal-Istati Membri. Dawn għandhom iservu sew fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, hemm il-ħtieġa sabiex jiġu verifikati b'mod urġenti l-indipendenza u l-kompetenza tar-regolaturi nazzjonali – wieħed mill-oqsma li tqajjem speċifikament fir-rapport tal-Kummissjoni. Din il-verifika għandha titqies bħala waħda li żżid aktar milli waħda li tnaqqas l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali u m'għandhiex titħalla għal awtovalutazzjoni b'analiżi supplementari mill-pari internazzjonali. Il-KESE jipproponi li l-valutazzjoni u l-analiżi mill-pari għandhom iseħħu fl-Istati Membri kollha mhux aktar tard minn tmiem l-2018, u wara dan kull sitt snin.

6.3

Attwalment, il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u verifika fil-livell tal-UE huma limitati għall-analiżi mill-pari tal-qafas għas-sikurezza nukleari nazzjonali u l-awtoritajiet regolatorji kompetenti. Il-Kapitolu 2a tad-direttiva ta' emenda jespandi konsiderevolment il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi mill-pari internazzjonali – żvilupp tant mistenni. Madankollu, l-iskeda ta' reviżjoni kull sitt snin dwar "tema waħda speċifika jew aktar" tista' twassal biex uħud mill-oqsma jibqgħu mhux riveduti fil-fond għal għexieren ta' snin sħaħ. Għaldaqstant il-Kumitat jipproponi li r-reviżjonijiet skont it-tema għandhom jitwettqu flimkien mal-proċess ta' reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari li sseħħ kull tliet snin. Id-diskussjoni dwar liema temi speċifiċi huma s-suġġett tar-reviżjoni għandha tkun ukoll qasam fejn il-pubbliku jkun involut bħala parti mill-impenn għat-trasparenza.

6.4

L-informazzjoni u t-trasparenza pubblika ngħataw enfasi ħafna akbar fid-direttiva ta' emenda, fejn f'bosta każijiet, rekwiżiti speċifiċi ssostitwew dawk li attwalment huma ġeneriċi. Madankollu, fil-prattika ta' spiss ikun diffiċli għall-individwi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika u l-mekkaniżmi ta' informazzjoni. L-effettività tal-parteċipazzjoni pubblika dehret fiż-żewġ laqgħat organizzati minn ENSREG relatati mat-testijiet tal-istress. Il-KESE jipproponi li l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jiżguraw li l-organizzazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà ċivili huma appoġġjati attivament fl-iżvilupp, mal-awtorità regolatorja, ta' proċessi parteċipattivi għat-twaqqif tal-impenn u l-konsultazzjoni pubblika għall-ippjanar, ir-reviżjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet. Dan għandu japplika wkoll għal estensjonijiet, formali jew de facto, tat-tul tal-ħajja tal-impjant. Proċessi stabbiliti, bħalma huwa l-mudell RISCOM għat-trasparenza (http://www.karita.se/our_approach/riscom_model.php), meta jitwettqu indipendentement, ikunu jistgħu joffru rotot effettivi.

6.5

Il-fehim ta' x'jikkostitwixxi approċċ komprensiv għas-sikurezza nukleari dejjem qed javvanza. Fatturi etiċi, soċjoekonomiċi u psikoloġiċi kollha ġew aċċettati aktar fiż-żmien ta' dibattitu intensiv wara d-diżastru ta' Fukushima. Il-Kumitat jemmen li oqsma oħra ta' ġenerazzjoni u użu ta' enerġija, b'mod partikolari fi żmien ta' transizzjoni u pressjoni globali, ukoll jistgħu jibbenefikaw minn analiżi bħal din.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 56- 63.

ĠU C 218, 23.7.2011, p. 135-139.

ĠU C 44, 15.2.2013, p. 140-146.

(2)  ĠU C 306 16.12.2009, p. 56–63

(3)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 140-146.

(4)  COM(2012) 571 final.


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fil-qasam tas-sajd u s-saħħa tal-annimali minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni”

COM(2013) 417 final — 2013/0191 (COD)

u dwar

“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni”

COM(2013) 418 final — 2013/0192 (COD

2013/C 341/22

Nhar l-1 ta' Lulju 2013 u nhar is-27 ta' Ġunju u s-16 ta' Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2), l-Artikolu 141, l-Artikolu 153(2), l-Artikolu 168 u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti fil-qasam tas-sajd u s-saħħa tal-annimali minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni

COM(2013) 417 final – 2013/0191 (COD)

u dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda ċerti Direttivi fl-oqsma tal-ambjent, l-agrikoltura, il-politika soċjali u s-saħħa pubblika minħabba l-bidla tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni

COM(2013) 418 final – 2013/0192 COD.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta' Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru 2013), b’170 vot favur, 6 voti kontra u 12-il astensjoni, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali imneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru”

COM(2013) 311 final — 2013/0162 (COD)

2013/C 341/23

Nhar l-10 ta' Ġunju u l-24 ta' Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali imneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru (Riformulazzjoni)

COM(2013) 311 final – 2013/0162 (COD).

Billi l-Kumitat japprova l-kontenut tal-proposta, iddeċieda, matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2013 (seduta tat-18 ta' Settembru), b’192 vot favur, u 10 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 18 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE