ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.327.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 327

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
12 ta' Novembru 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-491 sessjoni plenarja tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013

2013/C 327/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE — Ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi (Opinjoni esploratorja)

1

2013/C 327/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja

5

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-491 sessjoni plenarja tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013

2013/C 327/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija EwropeaCOM(2013) 150 final/2

11

2013/C 327/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Doganali u s-Sigurtà tal-Katina tal-ProvvistaCOM(2012) 793 final

15

2013/C 327/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-KonsumaturiCOM(2013) 36 final

20

2013/C 327/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-EwropaCOM(2013) 37 final

26

2013/C 327/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Regolamentazzjoni Intelliġenti — Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medjiCOM(2013) 122 final

33

2013/C 327/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazjuCOM(2013) 107 final — 2013/0064 (COD)

38

2013/C 327/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni)COM(2013) 162 final — 2013/0089 (COD)

42

2013/C 327/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbarCOM(2013) 207 final — 2013/0110 (COD)

47

2013/C 327/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012COM(2013) 228 final — 2013/119 (COD)

52

2013/C 327/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjarCOM(2012) 669 final

58

2013/C 327/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatatiCOM(2012) 788 final — 2012/0366 (COD)

65

2013/C 327/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku — Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika IndustrijaliCOM(2012) 582 final

82

2013/C 327/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoliCOM(2013) 106 final — 2013/0063 (COD)

90

2013/C 327/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-EwropaCOM(2012) 673 final, dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) — Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-XmaraCOM(2012) 670 final, dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u n-NixfietCOM(2012) 672 final

93

2013/C 327/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għoljaCOM(2013) 147 final — 2013/0080 (COD)

102

2013/C 327/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gassCOM(2013) 174 final

108

2013/C 327/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas fuq l-aċċess tas-suq għas-servizzi portwarji u t-trasparenza finanzjarja tal-portijietCOM(2013) 296 final — 2013/0157 (COD)

111

2013/C 327/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri bl-ajru (programm kontinwu)COM(2013) 130 final

115

2013/C 327/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-raba' pakkett ferrovjarju li jikkonsisti mis-seba’ dokumenti li ġejjin: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-raba’ pakkett ferrovjarju — it-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea għat-trawwim tal-kompetittività u t-tkabbir EwropejCOM(2013) 25 final il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta’ intrapriżi tal-ferrovija COM(2013) 26 final — 2013/0013 (COD) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 COM(2013) 27 final — 2013/0014 (COD) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri COM(2013) 28 final — 2013/0028 (COD) il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja COM(2013) 29 final — 2013/0029 (COD) il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Riformulazzjoni) COM(2013) 30 final — 2013/0015 (COD) il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (Riformulazzjoni) COM(2013) 31 final — 2013/0016 (COD)

122

2013/C 327/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonaliCOM(2013) 195 final/2 — 2013/0105 (COD)

133

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-491 sessjoni plenarja tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE — Ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi” (Opinjoni esploratorja)

2013/C 327/01

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar il-15 ta’ April 2013, is-Sur Vytautas Leškevičius, Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin, f’isem il-Presidenza Litwana futura tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Il-potenzjal ekonomiku mhux esplorat tal-kompetittività tal-UE – ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur, 10 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Kuntest

1.1

L-għan ta' din l-Opinjoni esploratorja tal-KESE hu li tikkjarifika l-kontribut speċifiku li jistgħu jagħtu l-intrapriżi pubbliċi għall-kompetittività tal-UE. Għandha l-għan li tidentifika l-isfidi partikolari li jeżistu f'dan il-qasam għall-politiki u l-istituzzjonijiet Ewropej.

1.2

Din l-Opinjoni tidħol fil-qafas tat-Trattati, li jagħtu setgħa diskrezzjonali kbira lill-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni, l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-servizzi ta' interess ġenerali tagħhom. Bl-istess mod, skont it-Trattati, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza fir-rigward tal-għażla u l-istatus (privat, pubbliku jew sħubija pubblika/privata) tal-intrapriżi inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-missjonijiet tagħhom ta' servizz pubbliku (1).

1.3

Awtorità pubblika tista' tiddeċiedi li tirrikorri għal intrapriża pubblika bħala wieħed mill-mezzi ta' azzjoni tagħha fuq il-bażi ta' każ b'każ u skont l-analiżi ta' settur, l-objettivi u l-missjonijiet stabbiliti, u l-orjentazzjonijiet li għandhom jiġu promossi fit-tul.

1.4

Skont id-Direttiva 80/723/KEE tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi, "impriżapubblika" tfisser: "kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw influ[w]enza dominanti diretta jew indiretta bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jiggwidawha.

Influ[w]enza dominanti mill-parti tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tkun meqjusa meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament rigward impriża:

a)

ikollhom il-biċċa il-kbira tal-kapital sottoskritt tal-impriża; jew

b)

ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin mal-ishma maħruġa mill-impriżi; jew

c)

jistgħu jaħtru iktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, tal-maniġment jew tas-superviżuri tal-impriża."

1.5

Fil-passat, il-pajjiżi Ewropej kollha ħolqu intrapriżi pubbliċi, kemm b'mod dirett kif ukoll billi nnazzjonalizzaw jew immuniċipalizzaw l-intrapriżi privati. Għamlu dan għal firxa wiesgħa ta' raġunijiet:

biex jimplimentaw objettivi strateġiċi relatati mas-sigurtà esterna jew interna, jew mas-sigurtà tal-provvista ta' ċerti prodotti jew servizzi essenzjali;

biex joħolqu l-infrastruttura meħtieġa għall-ħajja ekonomika u soċjali;

biex jimmobilizzaw investiment kbir (b'mod partikolari wara kull gwerra dinjija);

biex jippromovu attivitajiet ġodda li mhux bilfors irendu l-qligħ fil-perjodu qasir;

biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tas-suq (il-monopolju naturali, l-esternalizzazzjoni) jew tal-inizjattiva privata;

biex jindirizzaw is-sitwazzjonijiet ta' kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali jew ambjentali;

biex jimplimentaw missjonijiet ta' servizz pubbliku.

1.6

Il-miżuri ta' effikaċja, ta' effiċjenza, u fejn ikun meħtieġ, il-bżonn ta' riforma tal-intrapriżi pubbliċi ma jistgħux jiġu limitati għall-indikaturi tas-soltu tal-qligħ mill-attivitajiet ekonomiċi, iżda għandhom jinkludu dawn l-objettivi u l-missjonijiet kollha li ġew allokati lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi.

1.7

Skont id-definizzjoni Ewropea uffiċjali, il-kompetittività "hija l-kapaċità li jittejjeb b'mod sostenibbli l-livell ta' għajxien tal-abitanti u li dawn jingħataw livell għoli ta' impjieg u ta' koeżjoni soċjali".

1.8

Kull sena l-produttività tal-Unjoni qed tmur ftit lura. Dan it-tnaqqis huwa sinonimu mad-deterjorazzjoni tal-kompetittività. Fost l-indikaturi li jiżvelaw dan it-tnaqqis hemm il-livell insuffiċjenti ta' innovazzjoni, in-nuqqas ta' investiment fl-infrastrutturi u t-teknoloġiji kif ukoll fil-kapital uman.

1.9

Il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u l-attraenza tagħha, għaldaqstant, jiddependu mill-investiment li jsir fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent, eċċ. – dawn huma kollha oqsma li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw l-intrapriżi pubbliċi bħala mezz ta' intervent, fost affarijiet oħra.

1.10

Iżda l-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali jew lokali mhumiex virtużi min-natura tagħhom u għalhekk jeżistu wkoll nuqqasijiet tal-intrapriżi pubbliċi li jistgħu jwasslu

għal kontroll amministrattiv, burokratiku jew "politiku";

in-nuqqas ta' responsabbiltà tal-awtorità pubblika, li tista' tillimita ruħha għal objettivi esklużivament finanzjarji jew patrimonjali;

l-istrumentalizzazzjoni tal-intrapriża pubblika għal finijiet oħra apparti dawk prinċipali tagħha.

1.11

L-intrapriża pubblika tista' tirriżulta minn strateġiji difensivi jew offensivi min-naħa tal-awtorità pubblika kompetenti:

strateġiji difensivi biex tillimita l-effetti tal-kriżi, taġixxi ta' "pompier" f'każ ta' falliment ta' intrapriża jew issalva l-impjiegi, tinnazzjonalizzaha temporanjament sakemm jinsab min jista' jerġa' jagħti ħajja mill-ġdid lill-intrapriżi kkonċernati, tippenalizza abbużi evidenti ta' intrapriża privata, eċċ.;

strateġiji offensivi biex tippromovi politika industrijali jew teknoloġiji ġodda, timplimenta politika pubblika, tiżviluppa objettivi politiċi ġodda, tippromovi għanijiet ġodda (bijodiversità, enerġiji rinnovabbli, tranżizzjoni enerġetika), tiġġenera mod ġdid ta' żvilupp (sostenibbli, inklużiv).

1.12

Dan jimplika li l-awtorità pubblika tassumi r-responsabbiltajiet tagħha biex tiddefinixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi filwaqt li tħalli livell għoli ta' awtonomija għat-tmexxija tal-intrapriża. L-awtorità pubblika għandha tal-anqas tiżgura li jiġu organizzati kontroll u regolamentazzjoni pubbliċi ġenwini, li jirrikjedu l-implimentazzjoni ta' governanza tal-intrapriżi pubbliċi tagħha li huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll ta' rappreżentanti tal-persunal tal-intrapriżi.

1.13

Fir-rigward tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali li l-Istati Membri jimplimentaw permezz tal-intrapriżi pubbliċi tagħhom, dawn l-intrapriżi jipproponu attivitajiet ta' natura industrijali u kummerċjali, sikwit f'kompetizzjoni diretta mal-attivitajiet ta' intrapriżi oħra.

1.14

Fost l-intrapriżi pubbliċi li jiżviluppaw f'ambjent liberalizzat u kompetittiv ta' min isemmi l-ewwel u qabel kollox l-industriji li jużaw in-netwerks (tal-elettriku, gass, komunikazzjoni elettronika, trasport, posta), li l-aċċessibbiltà u l-provvista kontinwa tagħhom bi kwalità tajba u prezz affordabbli huma indispensabbli, mhux biss għaċ-ċittadini iżda wkoll għall-parti l-kbira tal-intrapriżi privati. Għaldaqstant, jaqdu rwol fundamentali għall-ekonomija nazzjonali u l-kompetittività globali ta' Stat Membru. Dan japplika wkoll għal setturi oħra bħal dak awdjoviżiv, tal-akkomodazzjoni, u tal-kura tas-saħħa jew soċjali, fejn in-nuqqasijiet tas-suq ma jippermettux lil kull ċittadin biex, b'xi mod jew ieħor, jibbenefika mid-drittijiet fundamentali tiegħu.

2.   L-għan tat-talba għal opinjoni esploratorja

2.1

Fl-ittra ta' konsultazzjoni, il-Presidenza Litwana futura talbet b'mod partikolari li ssir enfasi fuq it-titjib tal-effikaċja tal-intrapriżi pubbliċi u fuq l-importanza tagħhom għall-kompetittività nazzjonali. Il-Presidenza titlob analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tal-prattiki tajba (jew ħżiena) li madankollu għadha nieqsa fil-livell tal-UE, hekk kif inhi nieqsa wkoll ir-riforma strutturali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan it-tip ta' intrapriża fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impatti tagħha fuq is-suq intern.

2.2

Għalkemm il-leġislazzjoni tal-UE tikkonċerna biss xi oqsma speċifiċi tal-attivitajiet tal-intrapriżi pubbliċi (għajnuna mill-Istat, u servizz ta' interess ekonomiku ġenerali), il-Presidenza Litwana futura tipproponi li, fir-rigward tar-riforma tal-intrapriżi pubbliċi, l-inizjattivi fil-livell Ewropew jiġu limitati għal miżuri mhux leġislattivi u li ma jiġux stabbiliti objettivi dwar il-qafas leġislattiv il-ġdid. Il-privatizzazzjoni eventwali tal-intrapriżi pubbliċi għandha tibqa' tkun il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

2.3

Fl-aħħar, il-Presidenza Litwana futura tesprimi d-dispjaċir tagħha li s'issa, fl-inizjattivi u d-dokumenti eżistenti jew previsti tal-Kummissjoni Ewropea, ma kienx hemm dibattitu ġenerali dwar ir-riforma tal-intrapriżi pubbliċi, il-ġestjoni tagħhom, it-titjib tal-effikaċja tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-kompetittività u għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew s'issa ffokaw fuq żewġ aspetti biss: ir-rispett tar-regoli fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u r-regoli dwar il-provvista ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

3.   Il-proposti tal-KESE

3.1

Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Presidenza Litwana futura għal analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tal-prattiki tajba (jew ħżiena) kif ukoll għal riforma strutturali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effikaċja ta' dan it-tip ta' intrapriża fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impatti tagħha fuq is-suq intern.

3.2

It-trattati jinkludu obbligu msaħħaħ għall-Unjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, b'mod partikolari billi tiġi żviluppata dinamika progressiva ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' dawn is-servizzi. Sakemm dan ma jinkisibx, l-evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni ma jkunux jistgħu jindirizzaw il-bżonnijiet taċ-ċittadini u tal-ekonomija fil-livell nazzjonali u Ewropew.

3.3

Tali evalwazzjoni għandha sservi biex iżżid l-effikaċja u l-effiċjenza tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-adattament tagħhom għall-evoluzzjonijiet tal-bżonnijiet taċ-ċittadini u tal-intrapriżi. Barra minn hekk, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi l-elementi li jippermettulhom jagħmlu l-aktar għażliet rilevanti. Bl-istess mod, ser ikollha rwol essenzjali x'taqdi biex tasal għal arbitraġġ armonjuż bejn is-suq u l-interess ġenerali, kif ukoll bejn l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

3.4

Fl-Opinjoni tiegħu dwar "Evalwazzjoni indipendenti tas-servizzi ta' interess ġenerali"  (2) il-KESE ressaq proposti konkreti biex fil-livell tal-Unjoni jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta' skambju, konfrontazzjoni, tqabbil u ta' koordinazzjoni. Għalhekk, it-tqanqil tal-proċess ta’ din l-evalwazzjoni indipendenti ser jaqa’ f’idejn l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-prinċipji li jidhru fil-Protokoll mehmuż mat-Trattati riformati, b’definizzjoni kemm ta’ metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew, ibbażata fuq indikaturi komuni, kif ukoll tal-mezzi għat-tħaddim tagħha, permezz ta’ djalogu mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati.

3.5

Fil-kuntest ta' dawn ir-riflessjonijiet dwar il-mod kif l-intrapriżi pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu aktar għar-rilanċ ekonomiku u għall-kompetittività tal-Unjoni, il-KESE, f'diversi opinjonijiet, wera t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali Ewropej.

3.6

Fit-8 ta' Ottubru 2001 ġie stabbilit statut għal kumpaniji Ewropej. Dan l-istatut, li ilu jintuża mit-8 ta' Ottubru 2004, joffri l-possibbiltà lill-intrapriżi li joperaw f'diversi Stati Membri biex jissieħbu f'kumpanija waħda taħt il-liġi Ewropea u b'hekk japplikaw l-istess regoli: sistema unika ta' ġestjoni u tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja. Il-kumpaniji li jadottaw dan l-istatut b'hekk jevitaw li jkollhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali ta' kull Stat Membru fejn ikollhom il-fergħat tagħhom, u għaldaqstant dan iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

3.7

F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi analizzata l-implimentazzjoni ta' statut tal-intrapriża pubblika Ewropea, bħal dik li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fl-2011 fir-rigward ta' Galileo (3) li llum il-ġurnata hija "intrapriża pubblika Ewropea de facto".

3.8

B'mod partikolari jistgħu jiġu mmirati l-intrapriżi pubbliċi Ewropej għan-netwerks il-kbar tal-infrastruttura trans-Ewropea, li huma definiti bħala politika komuni fit-trattati, fir-rigward tal-enerġija jew it-trasport, b'kooperazzjoni mal-intrapriżi nazzjonali jew lokali f'dawn is-setturi sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet u l-kompetenzi l-ġodda li jinsabu fit-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (Artikolu 194 tat-TFUE).

3.9

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper – Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva  (4), il-KESE esprima x-xewqa tiegħu li jsiru studji dwar kemm huwa f'waqtu u fattibbli li jinħoloq SIĠ Ewropew dwar l-enerġija għaċ-ċittadini, b’approċċ komuni f’termini ta’ prezz, fiskalità, regoli finanzjarji, sigurtà, kontinwità, żvilupp ekonomiku u preservazzjoni tal-klima.

3.10

F'din l-istess Green Paper il-Kummissjoni targumenta favur it-twaqqif ta’ operatur Ewropew tas-sistema ta’ trasportazzjoni tal-gass billi progressivament tinħoloq kumpanija indipendenti li tkun inkarigata mill-ġestjoni ta' netwerk uniku tat-trasport tal-gass fl-UE kollha.

3.11

Tali servizzi komunitarji, irrispettivament mill-istatus ta' min iwettaqhom (pubbliku, privat, sħubija pubblika-privata), jistgħu jikkontribwixxu valur miżjud f'oqsma essenzjali u multinazzjonali jew transnazzjonali bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, is-sigurtà tar-riżorsi tal-ilma, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, iż-żamma tal-kwalità tal-arja, is-sigurtà interna u esterna, eċċ., peress li dawn is-servizzi jkunu jistgħu jitwettqu b'mod aktar effikaċi fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali u lokali.

3.12

F'dan il-kuntest, il-KESE huwa favur is-sħubijiet pubbliċi (l-Unjoni u l-Istati Membri) u privati sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u sabiex ikun hemm ġestjoni integrata tan-netwerks interkonnessi tal-enerġija (gass, elettriku, żejt). Iħeġġeġ ukoll l-iżvilupp tan-netwerk ta' turbini tar-riħ fuq il-baħar u l-konnessjoni tal-parks eoliċi man-netwerk fuq l-art – dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-esplojtazzjoni u l-investiment u jħeġġeġ aktar l-investiment fi proġetti ġodda ta' netwerks (5).

3.13

Fil-qafas tal-kompetenzi ta’ kull Stat Membru, pereżempju fil-qasam tat-taħlita tal-enerġija, il-kwistjonijiet soċjali u dawk tas-soċjetà mqajma bil-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi naturali, tal-enerġija nukleari, tat-tibdil fil-klima u tal-ġestjoni sostenibbli u tas-sigurtà, ma jiqfux fil-fruntieri tradizzjonali tal-Istati u l-uniku mod kif jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti huwa permezz ta’ kunċett Ewropew għall-interess ġenerali u s-servizzi xierqa.

3.14

Nistgħu wkoll nistaqsu dwar l-attivitajiet ekonomiċi tal-aġenziji eżekuttivi Ewropej.

3.15

Bħalissa jeżistu sitt aġenziji (6), li għall-perjodu 2007-2013 jinkludu programmi li jirrappreżentaw madwar EUR 28 biljun. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-programmi jikkonċernaw oqsma fejn l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġja lill-Istati Membri.

3.16

Minn naħa, nistgħu nqisu dawn l-aġenziji eżekuttivi bħala forma ta' sottokuntrattar ta' ċerti funzjonijiet tal-Kummissjoni u għaldaqstant nistgħu nistaqsu kemm verament huma independenti, mentri min-naħa l-oħra l-missjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom iwasslu biex dawn jintervjenu direttament f'attivitajiet ekonomiċi u soċjali. Tbegħidna daqshekk mid-definizzjoni estensiva stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tal-kunċett ta' attività ekonomika u ta' intrapriża?

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  It-Trattati għandhom ikunu bla ebda preġudizzju għas-sistema ta' proprjetà fl-Istati Membri. L-Artikolu 345 tat-TFUE jispeċifika li l-UE hija newtrali rigward in-natura pubblika jew privata tal-azzjonisti tal-intrapriżi u ma taffettwax is-sistema ta' proprjetà tal-Istati Membri.

(2)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 42.

(3)  Impact assessment on the Proposal for a Regulation on further implementation of the European satellite navigation programme (2014-2020) [Valutazzjoni tal-impatt tal-Proposta għal Regolament dwar l-implimentazzjoni tal-programm Ewropew ta' navigazzjoni bis-satellita (2014-2020)] (SEC(2011)1446).

(4)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 51.

(5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 65.

(6)  L-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-TEA), l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC), l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI), l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/5


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja”

2013/C 327/02

Relatur: is-Sur SIBIAN

Korelatur: is-Sur LECHNER

F’ittra mill-Kummissarju Šefčovič tat-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat u l-Artikolu 9 tal-Protokoll ta’ Kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’171 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoniji waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-gvernijiet Serbi dawn l-aħħar għaxar snin biex jirriformaw l-ekonomija u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Huwa jara l-proċess tal-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea bħala opportunità biex ir-riformi li qed isiru jiġu konsolidati u implimentati b'mod effettiv. Huwa jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess li jġib il-liġijiet Serbi konformi ma' dawk tal-acquis tal-UE. Huwa jappella lill-Gvern tas-Serbja u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jinvolvuhom mill-viċin fil-passi li ġejjin li jwasslu għall-adeżjoni mal-UE.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mas-Serbja mhux aktar tard minn Jannar 2014. Il-KESE jawgura lil Belgrad u lil Prishtina għall-iffirmar ta' L-Ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jiggvernaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijet (Brussell, 19 ta' April 2013) u għall-Pjan ta' Implimentazzjoni adottat f'Mejju. Issa huwa jappella liż-żewġ partijiet biex jimplimentaw il-ftehim, bl-għajnuna tal-UE. Il-KESE jisħaq li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jiġu involuti fil-fażi tal-implimentazzjoni, peress li jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għar-rikonċiljazzjoni.

1.3

Il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi Serbi biex jorganizzaw aktar seduti pubbliċi u konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-fażijiet bikrija tat-tfassil tal-politiki kif ukoll fil-fażi tal-implimentazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza li huma jipparteċipaw f'oqsma ewlenin tal-proċess ta' riforma bħall-istat ta' dritt, il-kooperazzjoni reġjonali u ir-rikonċiljazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, l-ambjent, l-agrikoltura, id-drittijiet tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Gvern jagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Huwa jkompli billi jinsisti li s-sigurtà ta' dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandha tiġi rikonoxxuta bħala bżonn u għandha tiġi garantita mill-Gvern.

1.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li, anke jekk sar progress sinifikanti fil-promozzjoni ta' soċjetà aktar inklużiva, hemm ħafna x'għad irid isir biex tinbena soċjetà li fiha kulħadd huwa indaqs, irrispettivament mill-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini, jew ir-reliġjon. Il-KESE jitlob lill-Gvern biex ma jitlifx ħin biex jimplimenta l-Istrateġija kontra d-diskriminazzjoni adottata f'Ġunju 2013). Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, f'ħidma mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tuża r-rapport ta' progress annwali tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-istrateġija.

1.6

Il-KESE jilqa’ b'sodisfazzjon l-inklużjoni tal-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili fil-Grupp ta’ Esperti tal-Prim Ministru tal-Korp ta’ Koordinazzjoni tal-Proċess ta’ Adeżjoni fl-UE. Il-KESE japprezza wkoll il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, fil-Kunsill tal-Prim Ministru għall-Integrazzjoni tal-UE. Din hija prattika tajba li għandha tiġi żviluppata billi tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, fit-tim futur tan-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja. Madankollu għandhom jiġu żgurati konsultazzjonijiet frekwenti u wiesgħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet komuni ewlenin. Huwa importanti li l-esperti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu mistiedna jissieħbu f'għadd ta' sottogruppi fi ħdan il-Grupp ta' Esperti tal-Korp ta' Koordinazzjoni.

1.7

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) biex tipprovdi appoġġ akbar għall-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (fosthom l-imsieħba soċjali) u biex tiffoka fuq żieda fl-appoġġ għas-sħubijiet, mhux biss bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda wkoll bejnhom u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-fondi disponibbli fil-qafas tal-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili għandhom jiżdiedu u jkunu mmirati aktar lejn proġetti mwettqa mill-imsieħba soċjali wkoll. Il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem b'mod ġenwin fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE għandu jinżamm bħala qasam ta' prijorità, billi jiġu promossi proċeduri semplifikati għall-għażla u l-implimentazzjoni ta' proġetti u l-użu ta' għotjiet istituzzjonali u l-għoti mill-ġdid tagħhom (re-granting). Apparti l-appoġġ finanzjarju huwa mixtieq ukoll l-appoġġ għall-mekkaniżmi biex jittejjeb id-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE fis-Serbja biex tkompli tippermetti l-għoti mill-ġdid lil organizzazzjonijiet iżgħar tas-soċjetà ċivili permezz ta' organizzazzjonijiet ikbar tas-soċjetà ċivili bħala pass 'il quddiem biex dawn il-fondi jkunu disponibbli għall-komunità usa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.9

Iż-żieda tat-trasparenza fl-infiq pubbliku trid tinżamm bħala azzjoni ewlenija fl-istrateġija ta' żvilupp tas-soċjetà ċivili, filwaqt li l-mekkaniżmi għall-ippjanar u r-rimborż tal-kofinanzjar għall-proġetti tal-UE implimentati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jittejbu u l-kofinanzjar jiżdied.

1.10

Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex iżid l-isforzi ħalli jimplimenta qafas istituzzjonali u leġislattiv li jippermetti l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' “liġi tal-perċentwali” li tippermetti liċ-ċittadini jallokaw parti mit-taxxa fuq l-introjtu tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi promossa l-filantropija individwali (abbażi tal-mudell eżistenti fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant), kif ukoll li jiddaħħlu inċentivi tat-taxxa għall-filantropija individwali u korporattiva.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi riveduta l-liġi dwar l-akkwist pubbliku, li għadha kemm ġiet adottata u li ħolqot ostakli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkunu qed jikkompetu għal sejħiet għall-offerti pubbliċi. Il-liġi ddaħħal garanziji finanzjarji obbligatorji li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma jistgħux ikollhom. Dan jista' jxekkilhom milli jikkompetu fil-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti pubbliċi mhux biss fil-qasam tas-servizzi soċjali iżda wkoll fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

1.12

Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex jistabbilixxi strateġija komprensiva biex l-ekonomija informali tiġi miġġielda u limitata. Dan itejjeb il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, jipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta u b'hekk joħloq ambjent ekonomiku aħjar, filwaqt li jiġi garantit rispett akbar għad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema. Dan jista’ jgħin ukoll biex terġa’ titrawwem il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u jiġi promoss il-kunċett ta' stat tad-dritt.

1.13

Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jappella lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu l-aħjar użu mill-istituzzjonijiet attwali, speċjalment il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (KES). Huwa jappella lill-Gvern biex ikompli jippromovi l-KES u jikkonsulta miegħu b'mod aktar sistematiku dwar il-politiki kollha li fihom għandhom interess leġittimu l-ħaddiema u min iħaddem. Il-KESE jqis li d-djalogu soċjali għandu jkun regolari u strutturat u mhux ad hoc, u li għandu jkun aktar effettiv u mmirat lejn ir-riżultati.

1.14

Il-KESE jitlob li l-promozzjoni tad-djalogu soċjali tkun fost il-prijoritajiet ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-Serbja u għalhekk għandha tiġi riflessa fil-programmi kollha tal-KE disponibbli għall-pajjiż. Dan jirrikjedi involviment akbar tal-KES li għandu wkoll jiġi involut u kkonsultat b’mod formali f’kull stadju tan-negozjati tal-adeżjoni u għandu jiġi involut fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja. Il-KES għandu jkun jista' jressaq kummenti u opinjonijiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE huma u jivvalutaw il-progress tas-Serbja fl-adeżjoni mal-UE.

1.15

Il-KESE jqis li d-djalogu soċjali għandu jkompli jitħeġġeġ fil-livelli reġjonali u lokali, u għandu jibni fuq l-istrutturi reġjonali tal-KES. Għandu jiġi żviluppat ukoll aktar sistematikament fil-livell settorjali, b'mod partikolari fis-settur privat. L-iffirmar u l-infurzar tal-akbar ammont possibbli ta’ ftehimiet kollettivi settorjali jista’ jistabbilizza r-relazzjonijiet industrijali fis-Serbja. L-awtoritajiet lokali u nazzjonali għandhom jitfakkru b'mod kostanti fil-vantaġġi u l-importanza tad-djalogu soċjali.

1.16

Il-KESE jinnota li ġie stabbilit grupp ta' ħidma tripartitiku biex jirrevedi l-leġislazzjoni dwar ix-xogħol, inklużi l-liġi dwar l-istrajks, il-proċedura tar-reġistrazzjoni tat-trejdjunjins u l-liġi dwar ir-rappreżentattività tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jappella lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-KE ħalli jappoġġjaw din il-ħidma li għaddejja biex il-liġijiet u l-prassi Serbi jsiru konformi għalkollox mal-livelli internazzjonali u dawk Ewropej.

1.17

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali ħalli jipparteċipaw b'mod attiv fid-djalogu soċjali għandu jiddaħħal fil-prijoritajiet tal-programmi ta' assistenza tal-UE. L-assistenza hija meħtieġa biex jiżviluppaw l-abbiltà tagħhom li jipparteċipaw b'mod effikaċi fil-kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u legali kollha, inkluż fin-negozjati tal-adeżjoni mal-UE. L-istrutturi organizzattivi tagħhom, il-komunikazzjoni interna u l-kapaċità li jservu lill-membri għandhom jissaħħu.

1.18

Il-KESE jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema għadhom jinkisru b'mod regolari fis-Serbja u li l-mekkaniżmi għall-prevenzjoni u għas-sanzjoni tal-ksur mhumiex effettivi biżżejjed. Il-KESE jappella lill-Gvern Serb biex jirrevedi t-tħaddim tal-Aġenzija għar-Riżoluzzjoni Paċifika tat-Tilwim Industrijali. Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti qrati speċjalizzati biex jindirizzaw it-tilwim industrijali. Barra minn hekk il-KESE jitlob lill-KE li fir-rapporti annwali tagħha ddaħħal kapitolu dwar id-drittijiet tat-trejdjunjins u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema b'konsultazzjoni mill-qrib mat-trejdjunjins nazzjonali u dawk Ewropej u mal-ILO.

1.19

L-intraprendituri nisa Serbi għandhom rwol importanti madwar ir-reġjun tal-Balkani u għandhom netwerks effikaċi. Bħalissa għaddejja ħidma fuq approċċ reġjonali koeżiv biex tkompli tiġi żviluppata l-intraprenditorija tan-nisa fil-livell lokali. Il-KESE jirrakkomanda li l-appoġġ mil-livell Ewropew, reġjonali u nazzjonali jiżdied biex jitħaffef b'mod sinifikanti l-akkwist tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa assoluta ekonomika u soċjali li tiġi appoġġjata l-intraprenditorija tan-nisa fis-Serbja.

1.20

Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-Soċjetà Ċivili UE-Serbja bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Serbi. Il-korp konġunt tas-soċjetà ċivili għandu jiġi stabbilit meta n-negozjati dwar l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE jkunu nfetħu formalment. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żewġ naħat li jieħdu sehem fi djalogu aktar fil-fond u li jipprovdu kontribut lill-awtoritajiet politiċi dwar il-kapitoli tan-negozjati tal-adeżjoni.

2.   Sfond tal-Opinjoni

2.1

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-Serbja għamlet sforz enormi biex tirriforma l-istituzzjonijiet, il-qafas legali u r-regolamenti ekonomiċi tagħha bil-għan li tkun konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali u biex tippromovi ekonomija tas-suq trasparenti u effiċjenti.

2.2

Fl-2008, l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mis-Serbja u l-UE esprima biċ-ċar l-għażla tal-Gvern Serb favur l-adeżjoni mal-UE u ta spinta ġdida lill-proċess ta’ riforma. Fl-2010, daħal fis-seħħ Ftehim Interim dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (parti mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni).

2.3

Il-Gvern il-ġdid, li beda l-mandat tiegħu fl-2012, ikkonferma l-impenn tas-Serbja fir-rigward tal-adeżjoni mal-UE. Ħa passi prattiċi biex iwettaq ir-riformi li saru s’issa, b’enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u l-irkupru ekonomiku. Huwa kompla wkoll bl-isforzi biex itejjeb il-kooperazzjoni reġjonali.

2.4

F’Diċembru 2012, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni Ewropea tabbozza rapport sar-Rebbiegħa 2013 biex tivvaluta l-progress li sar mis-Serbja fid-djalogu tagħha ma’ Prishtina u fir-riformi tagħha diretti lejn l-UE. Abbażi ta’ dan ir-rapport, li ħareġ b'rakkomandazzjoni pożittiva, fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-kundizzjonijiet ġew sodisfatti biex jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE.

2.5

Fid-19 ta' April 2013, Belgrad u Prishtina fl-aħħar ftiehmu dwar il-ġejjieni tal-Kosovo ta' Fuq, immexxi mis-Serbja, fl-għaxar edizzjoni ta' diskussjonijiet mmexxija mill-UE huma u jiffirmaw L-Ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jiggvernaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet. F'Mejju, ġie adottat Pjan ta' Implimentazzjoni miż-żewġ naħat. Ġie stabbilit kumitat ta' implimentazzjoni miż-żewġ naħat, megħjun mill-UE.

3.   Żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali

3.1

Is-Serbja għadu pajjiż fi tranżizzjoni. Kien hemm xi privatizzazzjoni iżda parti kbira mill-ekonomija għadha magħmula minn kumpaniji pubbliċi, li sikwit ikunu fi bżonn kbir ta' ristrutturar. Il-qgħad żdied b'mod sinifikanti (24 % tal-forza tax-xogħol fl-2012). Iż-żgħażagħ qed jippruvaw jemigraw. Il-popolazzjoni qed tixjieħ. Għad hemm parti kbira tal-popolazzjoni li taħdem fl-agrikoltura u tgħix f’żoni rurali fejn in-nuqqas ta’ investiment ixekkel l-iżvilupp effettiv. L-ekonomija informali hija mifruxa sew, iddgħajjef l-ekonomija b’mod ġenerali u l-baġit tal-istat u tħalli lill-ħaddiema mingħajr protezzjoni soċjali. Il-korruzzjoni, li xi kultant tkun relatata mal-kriminalità organizzata, mhux biss tfixkel l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll il-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, hemm assolutament bżonn ta' riforma fil-ġudikatura biex din tiggarantixxi rispett ġenwin għad-drittijiet tal-individwi u l-organizzazzjonijiet.

3.2

Il-KESE enfasizza dawn il-problemi differenti fl-Opinjoni tiegħu dwar "Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Serbja: ir-rwol tas-soċjetà ċivili" (29 ta' Mejju 2008), u enfasizza wkoll l-isforzi li saru mill-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu r-riformi meħtieġa. Iddaħħlu ħafna regolamenti ġodda; twaqqfu istituzzjonijiet ġodda, b'mod partikolari għall-organizzazzjoni tad-djalogu mal-partijiet soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; u d-drittijiet tal-minoranzi issa huma rikonoxxuti uffiċjalment. Għalkemm dan il-proċess għadu mhux komplut, il-problema ewlenija hija biex dawn il-bidliet isituzzjonali u legali jissarrfu fi prattiki.

3.3

Is-Serbja rratifikat 77 trattat u konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom uħud ewlenin bħall-Konvenzjonijiet għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Prevenzjoni tat-Tortura, il-Ħarsien tat-Tfal, l-Azzjoni kontra l-Korruzzjoni u l-Karta Soċjali Ewropea. Ġew iffirmati tmien konvenzjonijiet addizzjonali iżda dawn għad iridu jiġu ratifikati, fosthom il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika. Fil-livell internazzjonali, is-Serbja rratifikat 75 konvenzjoni tal-ILO (73 minnhom issa huma fis-seħħ).

3.4

Bħalma enfasizza l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (1), ħafna minn dawn il-konvenzjonijiet għad jeħtieġu aktar azzjoni biex jiġu infurzati tajjeb. Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa enfasizza l-problema tal-persuni neqsin u l-persuni li ġew spostati b'mod furzat fil-gwerra; id-diskriminazzjoni rampanti kontra r-Roma; il-vjolenza kontra n-nisa u l-omofobija mifruxa.

3.5

Għalkemm il-gvern adotta Strateġija dwar il-Mezzi tax-Xandir f’Ottubru 2011, għad hemm vjolenza u theddid kontra l-ġurnalisti. L-interferenza ekonomika u politika fil-mezza tax-xandir hija realtà, li thedded l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir u l-kapaċità li l-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom. Barra minn hekk, it-trejdjunjonisti għadhom jiġu fastidjati jew imkeċċija għaliex huma membri ta’ organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins.

3.6

Il-KESE jqis li l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-proċess ta' riforma, ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-infurzar tad-drittijiet ċivili, soċjali u tal-bniedem huma prijorità ċara għas-Serbja. Ir-relazzjonijiet tal-UE mas-Serbja għandhom jiffokaw b'mod ċar fuq dawn l-aspetti. Din hija wkoll kwistjoni ewlenija għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għalhekk il-parteċipazzjoni attiva tagħhom għandha titħeġġeġ b’kull mod possibbli.

4.   L-istat u r-rwol attwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

4.1

Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni hija garantita kostituzzjonalment u ġeneralment tiġi rispettata. Iżda l-libertà ta' assoċjazzjoni hija pperikolata minħabba żieda fit-theddid minn gruppi nazzjonalisti vjolenti.

4.2

Is-soċjetà ċivili Serba hija prinċipalment ibbażata fil-bliet u mhijiex irrappreżentata b’mod ugwali fir-reġjuni. Is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali hija limitata ħafna u l-kapaċitajiet tagħha mhumiex żviluppati tajjeb. Jinħtieġ aktar appoġġ biex jitħeġġu movimenti assoċjattivi, tinbena l-kapaċità u jiġi appoġġjat in-netwerking tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bbażati f’żoni rurali u/jew bliet żgħar.

4.3

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-agrikoltura, l-iżvilupp ta' gruppi b'interess agrikolu, u l-parteċipazzjoni ta' dan il-qasam fid-djalogu soċjali. L-agrikoltura għad għandha rwol ewlieni fis-Serbja, madwar kwart tal-popolazzjoni attiva hija impjegata fil-biedja, u s-settur agrikolu huwa settur ekonomiku ewlieni wkoll. L-agrikoltura u l-politika agrikola ser ikollhom importanza kbira fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE fil-ġejjieni; fl-istess waqt il-konformità mal-liġijiet tal-UE ser tkun sfida partikolari għas-settur agrikolu Serb.

4.4

Gruppi ta' interess organizzati u strutturati tajjeb jistgħu mhux biss jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-interessi agrikoli, iżda fuq kollox huma jistgħu jipprovdu appoġġ utli għall-proċess futur ta' integrazzjoni, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' qafas għall-programmi speċifiċi ta' appoġġ għall-agrikoltura, iż-żoni rurali u n-nies li jgħixu hemmhekk, kif ukoll bl-implimentazzjoni tagħhom.

4.5

Hemm diversi sħubijiet u koalizzjonijiet attivi fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda dawn m'għandhomx biżżejjed riżorsi u appoġġ biex isiru aktar attivi u influwenti. Fir-rigward tas-sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, il-mekkaniżmi stabbiliti tas-SECO (2) u l-KOCDS (3) huma eżempji li jistgħu jsiru prattika tajba sakemm jiġi kkunsidrat il-kontribut tagħhom u jekk jiġu provduti finanzjament u appoġġ sistematiku u kontinwu.

4.6

L-akbar ostakli għas-sostenibbiltà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma l-fatt li l-appoġġ mill-Istat la mhu biżżejjed u lanqas mhu bbażata fuq prijoritajiet definiti tajjeb, l-isponsorizzazzjoni dgħajfa tal-intrapriżi, in-nuqqas ta' għotjiet individwali, l-irtirar ta' donaturi internazzjonali, kooperazzjoni mhux żviluppata biżżejjed mal-awtoritajiet lokali u t-trasparenza limitata min-naħa ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod ġenerali. Għandhom isiru sforzi u jingħata appoġġ għall-iżvilupp tal-kostitwenzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-għadd limitat ta' membri huwa ta' ħsara għall-immaġni u r-rikonoxximent tagħhom, filwaqt li l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għadu mhux irregolat b'mod adegwat fil-livelli kollha. Il-kapaċità tagħhom biex jinfluwenzaw l-aġenda soċjali u l-politika hija ġeneralment dgħajfa ħlief għal tużżana organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'saħħithom, li fil-biċċa l-kbira huma bbażati f'Belgrad.

4.7

Il-KESE jilqa' l-isforzi għat-titjib tal-qafas legali tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet, inklużi l-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet (Ottubru 2009), il-liġi dwar id-dotazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (Novembru 2010), il-liġi dwar il-volontarjat (Mejju 2010) u l-proċeduri ta' kontabbiltà semplifikati għall-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet żgħar (li għadha ma ġietx adottata). Madankollu, ġew adottati liġijiet oħra importanti iżda li għadhom mhux implimentati, bħal-liġi dwar il-ħarsien soċjali (2011). Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ qafas, kif previst mil-liġi, biex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom aċċess ġust għar-riżorsi pubbliċi intiżi biex jappoġġjaw il-provvediment tas-servizzi soċjali.

4.8

Il-KESE jilqa’ l-bidliet li saru fl-Artikolu 41 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Gvern dwar is-seduti pubbliċi li jispeċifika l-kriterji għal seduti pubbliċi obbligatorji, fejn dan it-tip ta' seduti saru r-regola u mhux l-eċċezzjoni u ġew stabbiliti perjodi ta’ żmien raġonevoli għal kemm idumu. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li ssir implimentazzjoni tajba tal-mekkaniżmu. Għandha tingħata prijorità lis-sensibilizzazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fl-istadji bikrin tat-tfassil tal-politiki pubbliċi kif ukoll fi stadji aktar tard meta jiġu implimentati. Barra minn hekk, il-proċeduri dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'diversi korpi pubbliċi fil-livell nazzjonali u lokali għandhom jiġu kkunsidrati, billi jitqiesu xi wħud mill-aħjar prattiki fil-pajjiżi ġirien u l-proposti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.9

L-Uffiċċju għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili sar operattiv fl-2011. Il-Pjan Operattiv għall-perjodu 2013-2014 jinkludi għanijiet ewlenin li jridu jinkisbu:

l-iżvilupp ta’ strateġija għall-ħolqien ta’ ambjent propizju għall-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili u l-istabbiliment ta' Kunsill Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili;

il-promozzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament bħala prerekwiżit għall-vijabbiltà: sovvenzjonijiet istituzzjonali; attivitajiet soċjali korporattivi; il-filantropija korporattiva; l-intraprenditorija soċjali; l-iżvilupp ta’ kriterji għall-użu ta' spazji pubbliċi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, etc.;

li jkompli jiġi żviluppat qafas istituzzjonali propizju għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, jiġifieri li jinħolqu kompiti jew unitajiet speċifiċi fil-ministeri rilevanti tal-gvern; li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi stabbilit Fond ta’ Żvilupp tas-Soċjetà Ċivili u jissaħħu l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja.

4.10

Il-KESE huwa sodisfatt bl-isforzi tal-Uffiċċju Governattiv għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili biex jirrendi l-iffinanzjar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-baġit tal-Istat aktar trasparenti billi jinħareġ Rapport annwali fil-qosor dwar l-allokazzjoni tal-fondi lill-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili mill-baġit tal-Istat tar-Republika tas-Serbja. Madankollu, l-Uffiċċju għandu jingħata aktar setgħat biex tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni mill-korpi governattivi fil-livelli kollha bil-għan li jiġi żgurat li l-ġbir tad-data jiġi komplut u ppubblikat kull sena. Għaldaqastant, il-KESE jilqa' l-appoġġ provdut mid-Delegazzjoni tal-UE lill-Uffiċċju Governattiv għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili permezz ta' programm ta' assistenza teknika ta' tliet snin li beda f'Diċembru 2012 (4).

4.11

Iċ-ċifri tal-2011 juru li ftit fondi ġew allokati u fil-fatt rimborżati għall-kofinanzjament tal-programmi u l-proġetti, anke meta l-appoġġ għad-donaturi kien assigurat, minkejja l-fatt li dawn il-fondi huma meħtieġa ferm mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.   Id-djalogu soċjali

5.1

Id-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u biex jiżgura l-koeżjoni soċjali li s-Serbja teħtieġ. Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv Ġenerali fl-2008. F’April 2011, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tar-Repubblika tas-Serbja (KES) adotta Ftehim Ekonomiku u Soċjali ġdid iffirmat mill-mexxejja tal-imsieħba soċjali u l-Prim Ministru, li stabbilixxa impenji importanti għall-partijiet firmatarji. Il-ftehim ikkonferma li d-djalogu soċjali huwa prerekwiżit għall-ksib tal-għanijiet kondiviżi tal-iżvilupp, biex jingħelbu b’suċċess il-problemi marbuta mal-kriżi ekonomika u biex jiġi żgurat il-progress ekonomiku u soċjali fis-Serbja. Fl-2012, ġie ffirmat ftehim mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali dwar il-paga minima. Fil-livell settorjali, ġew iffirmati erba’ ftehimiet kollettivi settorjali fl-2011 u l-2012 fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni, u l-industriji tal-kimiċi u tal-metall. Il-Ministru tax-Xogħol estenda dawn il-ftehimiet kollettivi għall-impjegati kollha tal-Istat. Il-ftehimiet kollettivi japplikaw ukoll għall-biċċa l-kbira tas-settur pubbliku u jkopru l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-gvern lokali u nazzjonali, il-kultura, l-edukazzjoni u l-pulizija.

5.2

Il-KES ġie stabbilit legalment fl-2005 u huwa l-pjattaforma istituzzjonali għan-negozjati tripartitiċi. Barra minn hekk, issa hemm 18-il kunsill ekonomiku u soċjali fil-livell lokali, iżda inqas minn nofs dan in-numru huma kompletament operattivi minħabba fin-nuqqas ta' impenn mill-awtoritajiet reġjonali. Il-KES għadu qed jiffaċċja għadd ta’ problemi li jfixklu l-attivitajiet tiegħu, l-aktar problema sinifikanti hija n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani. Madankollu, xorta waħda rnexxielu jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma permanenti dwar kwistjonijiet ekonomiċi, il-leġislazzjoni, il-ftehimiet kollettivi u s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali issa jipparteċipaw b'mod regolari fil-laqgħat tal-KES, b'mod kuntrastanti mal-Gvern li sikwit ikun irrappreżentat minn uffiċjali. L-involviment tagħhom żdied minn mindu l-Kunsill reġa’ ġie stabbilit f’Settembru 2012. Anke l-Prim Ministru issa sar membru tal-KES; madankollu, il-KES għadu qed jiffaċċja problemi huwa u jorganizza s-sessjonijiet tiegħu.

5.3

Madankollu, jekk id-djalogu soċjali rnexxielu jikseb xi riżultati, għad għandu bżonn jiġi konsolidat u estiż. L-imsieħba soċjali huma dgħajfa, b'mod partikolari fis-settur privat. Meta jiġu ffirmati l-ftehimiet kollettivi, dawn mhux bilfors jiġu infurzati; u hemm oqsma vasti li sempliċement mhumiex koperti mid-djalogu soċjali. Fil-livell nazzjonali, il-KES ma jiġix ikkonsultat b'mod sistematiku dwar il-kwistjonijiet kollha li jidħlu fil-kompitu tiegħu, jew il-konsultazzjoni tkun purament formali u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu spiss injorati mill-Gvern. Eċċezzjoni waħda pożittiva hija tal-Ministeru tax-Xogħol, li jressaq l-abbozzi kollha tal-liġijiet u l-strateġiji quddiem il-Kunsill għall-opinjoni tiegħu. Barra minn hekk, reċentement huwa ppropona li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma tripartitiku biex jabbozza bidliet fil-liġi dwar ix-xogħol. Sar xi titjib ukoll fil-leġislazzjoni dwar l-edukazzjoni, fejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza ressaq tliet abbozzi ta' liġijiet għall-opinjoni tal-Kunsill. Minkejja dawn is-sinjali pożittivi, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali għadu jiġi injorat fil-parti l-kbira, dwar politiki u miżuri ekonomiċi ġenerali li madankollu għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet tal-intrapriżi u l-ħaddiema.

5.4

L-Aġenzija għar-Riżoluzzjoni Paċifika tat-Tilwim Industrijali ġiet stabbilita fl-2005 biex issolvi kemm tilwim industrijali individwali kif ukoll dak kollettiv. L-enfasi ewlenija tagħha hija fuq każijiet individwali fejn arbitru jista’ jieħu deċiżjoni vinkolanti u għandu l-istess mezzi legali bħall-qorti. Madankollu, fil-prattika, jidher li l-Aġenzija ma rnexxilhiex verament tistabbilixxi lilha nfisha bħala alternattiva u ħafna mill-kunflitti xorta għadhom jitressqu quddiem il-qrati, li huwa magħruf sew kemm għandhom xogħol żejjed. Fir-riżoluzzjoni tat-tilwim industrijali l-Aġenzija tassumi r-rwol ta' medjatur u b'hekk ma tistax tisforza lill-partijiet fil-kawża biex jilħqu ftehim iżda tipprova twassal liż-żewġ partijiet biex jaċċettaw b'mod volontarju riżoluzzjoni paċifika.

5.5

Fl-2013 il-Gvern iffirma "Programm dwar ix-Xogħol Diċenti" mal-ILO. Dan il-programm għandu jgħin fir-reviżjoni tal-aspetti differenti tal-leġislazzjoni soċjali u l-proċeduri biex iġibuhom għalkollox konformi mal-livelli internazzjonali u biex jibnu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali biex jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-djalogu soċjali, b'appoġġ mill-fondi u l-programmi tal-UE.

5.6

Huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu integrati aktar fil-politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg tal-Gvern, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE. Għandhom jiġu involuti wkoll fit-tħejjijiet għall-eliġibbiltà tas-Serbja għall-Fond Soċjali Ewropew u għal fondi oħra tal-UE. Huwa biss ladarba dan jinkiseb li l-imsieħba soċjali Serbi jkunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ ir-rwol futur tagħhom fil-fora ta’ demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-UE.

6.   Imsieħba soċjali - is-sitwazzjoni attwali

6.1

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja hija l-grupp ta’ interess nazzjonali ewlieni ta’ min iħaddem. Tirrappreżenta lill-intraprendituri Serbi fil-KES. Madankollu, il-fatt li l-parti l-kbira mill-ikbar negozji li joperaw fis-Serbja, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra bħall-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri Żgħar u ta’ Daqs Medju, mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja jdgħajjef il-leġittimità tagħha bħala parteċipant fid-djalogu soċjali.

6.2

Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tas-Serbja, li hija l-akbar assoċjazzjoni tan-negozji, ma kinitx involuta fil-ħidma tal-KES fil-passat, minħabba f'sistema ta' sħubija obbligatorja. Madankollu, fl-1 ta' Jannar 2013, ġiet adottata s-sistema ta' sħubija volontarja fis-Serbja u l-Kamra ħadet impenn sod li tikkontribwixxi għad-djalogu soċjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-kummerċ barrani u l-iżvilupp reġjonali. Hija tappoġġja t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fis-Serbja fil-KES, sakemm tkun tista' twassal l-akbar firxa ta' interessi ta' min iħaddem permezz ta' proċess ta' konsultazzjoni effiċjenti li fih jipparteċipaw l-assoċjazzjonijiet kollha ta' min iħaddem.

6.3

Fid-dawl tar-rata għolja ta' qgħad, dawk li jħaddmu għandhom ikollhom influwenza aktar qawwija fuq l-iżvilupp ta' ambjent tajjeb għan-negozji. Dan għandu jinkoraġġixxi l-intraprenditorjat u t-twaqqif aktar mgħaġġel ta' intrapriżi ġodda, speċjalment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, wieħed mill-aħjar sorsi ta' impjiegi ġodda fl-Ewropa. Fost l-ostakli ewlenin għal klima li tiffavvorixxi aktar in-negozji hemm: in-nuqqas ta' trasparenza u prevedibbiltà tal-qafas leġislattiv, sistema tat-tassazzjoni li mhijiex attraenti li tinkludi xi tibdil parafiskali, l-aċċess għall-finanzi, proċeduri għar-reġistrazzjoni tan-negozji, l-amministrazzjoni marbuta mal-kummerċ barrani, eċċ. Il-valutazzjoni globali tal-komunità tan-negozjanti fis-Serbja hi li ma tipparteċipax biżżejjed fil-proċess leġislattiv u l-valutazzjonijiet ta' impatt tiegħu, b'mod partikolari rigward l-impatt fuq l-SMEs.

6.4

It-trejdjunjins huma dgħajfa u frammentati. Ħafna minnhom huma membri f’waħda mill-akbar żewġ konfederazzjonijiet fis-Serbja: il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Awtonomi tas-Serbja (SSSS) u l-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins tal-“Indipendenza” (Nezavisnost). Hemm ukoll żewġ konfederazzjonijiet oħra, l-Assoċjazzjoni tat-Trejdjunjins Ħielsa u Indipendenti tas-Serbja (ASNS) u l-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ħielsa (KSSS) li jiddikjaraw li huma rappreżentattivi. B'konformità mal-liġi l-ġdida li qed tiġi diskussa bħalissa, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi verifikata. Barra minn hekk, skont il-Ministeru tax-Xogħol, hemm madwar 2 000 organizzazzjoni tal-junjins fil-kumpaniji li mhumiex membri ta' konfederazzjoni nazzjonali. Jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha tal-ħaddiema jiġu involuti aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar is-sħubija soċjali mil-lat tal-ħaddiema. Ir-rwol tat-trejdjunjins fis-Serbja huwa essenzjali għat-tisħiħ tad-djalogu soċjali.

6.5

Id-diffikultajiet tat-tranżizzjoni u l-kriżi ekonomika ħarġu aktar fid-dieher il-frammentazzjoni u d-dgħufija tat-trejdjunjins. Il-proċeduri twal għar-reġistrazzjoni tat-trejdjunjins, l-oppożizzjoni u l-fastidju, xi drabi mill-amministraturi li mhumiex lesti li jaċċettaw id-djalogu soċjali fil-livell tal-intrapriża, kollha jfixklu l-iżvilupp normali tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema u jfixklu d-djalogu soċjali. Madankollu il-kooperazzjoni ġenwina li żviluppat f'dawn l-aħħar snin bejn iż-żewġ konfederazzjonijiet rappreżentattivi, l-SSSS u n-Nezavisnost, għandha tiġi apprezzata f'dan l-isfond.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Thomas Hammarbergh. Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa. Rapport li jsegwi ż-żjara tiegħu fis-Serbja fil-12-15 ta' Ġunju 2011. CommDH(2011)29.

(2)  Is-SECO (Sectoral Civil Society Organisations – organizzazzjonijiet settorjali tas-soċjetà ċivili) jirrappreżentaw in-netwerking u l-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-integrazzjoni tal-UE u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' programmar tal-IPA.

(3)  Il-KOCDS (Contact Civil Society Organisations Network – netwerk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' kuntatt) huma netwerks ta' organizzazzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni soċjali għall-gruppi marġinalizzati li flimkien jindirizzaw lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'dan il-qasam.

(4)  Il-baġit tal-programm ta' assistenza teknika huwa ta' EUR 1,2 miljun u jiffoka fuq l-appoġġ għal aktar emendi għall-qafas legali relatat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-introduzzjoni ta' qafas għal finanzjament mill-Istat trasparenti u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-491 sessjoni plenarja tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013

12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea”

COM(2013) 150 final/2

2013/C 327/03

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar il-25 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Green Paper dwar il-Finanzjament fuq Terminu Twil tal-Ekonomija Ewropea

COM(2013) 150 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'151 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Wieħed mill-elementi l-iktar importanti ta' strateġija mmirata biex twassal lill-Ewropa lura fit-triq ta' tkabbir sostenibbli huwa li tiġi żgurata provvista adegwata ta' finanzjament fuq terminu twil u bi prezz raġjonevoli. Id-dokument konsultattiv tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni huwa mixtieq u anke f'waqtu.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-Green Paper fuq l-investiment produttiv u l-formazzjoni ta’ kapital b’ħajja twila tanġibbli u intanġibbli, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti iktar attenzjoni lill-ħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment kapitali aktar "utli mil-lat soċjali".

1.3

Jekk il-banek aktarx se jaqdu rwol inqas prominenti fil-ġejjieni bħala provvedituri ta' finanzjament fuq terminu twil, mela jistgħu jinħolqu opportunitajiet għal intermedjarji oħrajn bħall-banek tal-iżvilupp nazzjonali u multilaterali, l-investituri istituzzjonali, il-fondi sovrani u, b'mod kruċjali, is-swieq tal-bonds. Madankollu huwa importanti li nevitaw li jinħoloq xkiel li ma jħallix il-banek jaqdu r-rwol tagħhom bħala provvedituri ewlenin tal-finanzjament fuq terminu twil, u għandu jinħoloq qafas legali li jżomm lura milli jbiegħed il-flussi tal-finanzjament u l-kapital 'l barra mis-settur regolat.

1.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-kapitalizzazzjoni mill-ġdid reċenti tal-BEI, peress li din se ssaħħaħ l-kapaċità tiegħu li joħloq effett ta' lieva fuq il-finanzjament addizzjonali tal-investiment privat u li jaqdi rwol kontraċikliku iktar b'saħħtu fil-finanzjament tal-investimenti u fil-provvediment ta' kreditu lill-SMEs. Filwaqt li doża ta' EUR 10 biljun kapital hija sinifikanti, il-KESE jaħseb li hija inqas milli huwa meħtieġ fiċ-ċirkostanzi preżenti.

1.5

B'mod simili, il-wasla tal-Bonds tal-Proġetti tal-UE 2020, anke jekk fi stadju pilota, hija wkoll żvilupp pożittiv. Dawn il-Bonds tal-Proġetti ġew żviluppati b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-BEI. Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll lil proġetti konġunti simili mal-fondi sovrani.

1.6

Jekk inizjattivi bħal Bonds tal-Proġetti jkollhom suċċess fl-espansjoni tas-suq għall-finanzjament tal-bonds, għandhom jissaħħu malli l-istadju pilota jagħlaq u jiġi evalwat.

1.7

Il-Green Paper jeżamina r-rwol tat-tfaddil fil-provvista ta' finanzjament tal-investimenti fuq terminu twil. Filwaqt li xi Stati Membri taw bidu għal skemi ta' tfaddil speċjali sabiex jimmobilizzaw it-tfaddil fuq terminu itwal ipotekati għal investimenti soċjali usa', jista' jkun tajjeb li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' tfaddil mal-UE jew iż-żona tal-euro kollha, forsi billi jiġi offert primjum tar-rata tal-interess.

1.8

Xi Stati Membri pjuttost irnexxielhom jinċentivaw it-tfaddil relatat mal-pensjonijiet u tfaddil ieħor, permezz tal-użu intelliġenti tas-sistema tat-tassazzjoni. Iċ-ċittadini għandhom it-tendenza li jibżgħu mill-prospett li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul umbagħad iktar taxxa fuq tfaddil fuq terminu twil minn dan id-dħul li jibqa' wara t-taxxa. Fil-kuntest ta' investimenti responsabbli mil-lat soċjali, għandu jkun possibbli li jiġu mfassla u kummerċjalizzati prodotti ta' tfaddil personali adatti b'taxxa baxxa jew l-ebda taxxa, b'limiti annwali adegwati sabiex jitħeġġeġ aktar ippjanar finanzjarju fuq terminu twil.

1.9

In-nuqqas ta' perspettiva fit-tul (short-termism) fis-sistema finanzjarja huwa xkiel ewlieni għall-provvista ta' investiment adegwat fuq terminu twil u huwa marbut mill-qrib mal-governanza korporattiva. It-tibdil tal-inċentivi biex tiġi promossa prestazzjoni fit-tul mhuwiex sfida faċli. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon is-suġġerimenti tal-Kummissjoni dwar drittijiet imsaħħa għall-votanti u dividendi għal investituri fuq terminu twil u dwar bidliet fid-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat l-użu kkoordinat tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali sabiex tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni azzjonarja fuq medda itwal ta' żmien ta' maniġers ta' fondi.

1.10

F'termini ta' kapital ta' riskju, il-Green Paper jinkludi ċerti suġġerimenti interessanti. Il-KESE diġà ppropona li r-rwol tal-FEI għandu jitwessa' lil hinn mill-għoti ta' self u jinkludi wkoll il-provvista ta' kapital ta' riskju. Dawk li ħolquh lura fl-1994 hekk kellhom f'moħħhom. Li kieku l-FEI, bħall-BEI, kellu jiġi kapitalizzat mill-ġdid b'mod adegwat, kien isir wieħed mill-provvedituri ewlenin tal-finanzjament ta' kapital ta' riskju għall-SMEs.

1.11

Fl-aħħar nett, meta wieħed iqis li l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali diġà huma involuti fil-promozzjoni tas-sopravivenza u tat-tkabbir fit-tul tal-SMEs, permezz tal-entitajiet ta' żvilupp reġjonali tagħhom, wieħed jista' jargumenta li dawn l-entitajiet ikollhom rwol fl-operat ta' dawn il-pjattaformi ta' negozjar tal-SMEs. Dan ir-rwol jista' jibda mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tal-SMEs li huma klijenti sal-għoti ta' garanziji limitati lil investituri istituzzjonali.

1.12

Il-KESE jixtieq jara enfasi ikbar tingħata lill-investiment responsabbli mil-lat soċjali u jipproponi t-twaqqif ta' osservatorju li jimmonitorja l-kondizzjonijiet ta' investiment fit-tul.

2.   Introduzzjoni u kuntest tal-Green Paper

2.1

Il-motivazzjoni ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea meta ħejjiet dan il-Green Paper hija l-ħtieġa li l-Ewropa terġa' taqbad it-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-Ewropa qed tiffaċċja rekwiżiti/ħtiġijiet kbar ta' investiment fit-tul u fuq skala kbira bħala l-bażi tat-tkabbir sostenibbli. Il-mod kif jintlaħaq dan huwa kkumplikat ħafna minħabba l-attitudini attwali ta' averżjoni għar-riskju tal-familji u n-negozji u l-ħtieġa għall-konsolidazzjoni fiskali minn ħafna gvernijiet li flimkien qed jirrestrinġu l-provvista ta' finanzjament għal investimenti fuq terminu twil.

2.2

Huma problematiċi l-fallimenti fil-kanali tradizzjonali ta' intermedjazzjoni finanzjarja. Il-banek kienu s-sors ewlieni ta' finanzjament għall-investiment fl-UE iżda ħafna minnhom issa huma involuti primarjament fit-tneħħija tal-effett ta' lieva u għaldaqstant ma jistgħux jaqdu r-rwol normali tagħhom. Il-Green Paper jħares lil hinn mill-kriżi attwali, u jfittex soluzzjonijiet għall-provvediment ta' finanzjament fit-tul neċessarju għall-investiment.

2.3

L-enfasi tal-Kummissjoni hija fuq l-investiment produttiv u l-formazzjoni ta’ kapital b’ħajja twila tanġibbli u intanġibbli li għandu t-tendenza li jkun inqas proċikliku minn dak b'ħajja inqas twila. Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-finanzjament fuq terminu twil bħala l-mod kif is-sistema finanzjarja tħallas għal investimenti li għandhom ħajja ta' proġett twila.

2.4

L-Ewropa bdiet twettaq programm ta' riforma tas-settur finanzjarju sabiex tipprovdi aktar stabbilità u fiduċja fis-swieq finanzjarji. L-istabbilità tas-sistema finanzjarja hija kondizzjoni neċessarja għat-tħeġġiġ ta' investiment fit-tul, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta' oqsma addizzjonali fejn hija meħtieġa azzjoni, bħal:

il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex jikkanalizzaw il-finanzjament fit-tul għal proġetti;

l-effiċjenza u l-effettività tas-swieq finanzjarji biex joffru strumenti ta' finanzjament fuq terminu twil;

politiki li jinkoraġġixxu tfaddil u investiment iktar fit-tul; u

il-kapaċità tal-SMEs biex isibu aċċess iktar faċli u malajr għal finanzjament mill-banek u mhux mill-banek.

3.   Kummenti dwar il-proposti

3.1   Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jimmiraw il-finanzi fuq terminu twil

3.1.1

Il-banek kummerċjali. L-analiżi tal-Kummissjoni tal-isfidi fl-iżgurar ta' finanzjament adegwat fit-tul fl-Ewropa hija korretta b'mod fundamentali. Qed tinbidel il-pożizzjoni preeminenti tradizzjonali tal-banek bħala l-provvedituri ewlenin tal-finanzjament fit-tul u jista' jkun li l-banek se jaqdu rwol inqas prominenti fil-ġejjieni. M'hemm l-ebda diskussjoni dwar l-inkonsistenza potenzjali bejn uħud mir-regoli bankarji l-ġodda u l-għanijiet tal-Green Paper biex jiġi stimolat l-investiment fit-tul. Il-Green Paper jinnota biss li l-effetti ta' riformi finanzjarji riċenti u possibbilment fil-futur jistgħu jnaqqsu l-livell ta' attività tal-banek fil-katina ta' intermedjazzjoni. Għandu jinstab bilanċ aħjar bejn ir-rekwiżiti prudenzjali ta' Basel III u l-inċentivi għal banek biex ikomplu jipprovdu finanzjament għall-investiment fit-tul. Fi kwalunkwe każ, aktarx se jinfetħu opportunitajiet għal tipi oħrajn ta' intermedjarji bħall-banek tal-iżvilupp nazzjonali u multilaterali, l-investituri istituzzjonali, użu aħjar tas-swieq tal-bonds u l-fondi sovrani.

3.1.2

Il-banek nazzjonali u multilaterali tal-iżvilupp. Dawn l-istituzzjonijiet jaqdu rwol importanti fil-qsim tar-riskju mal-investituri u l-operaturi privati biex jiżviluppaw proġetti importanti u b'hekk jevitaw il-fallimenti tas-swieq. Jaqdu wkoll rwol kontraċikliku permezz tal-azzjonijiet strateġiċi iktar fit-tul tagħhom. Il-BEI u l-FEI qed jaqdu rwol dejjem iżjed prominenti fil-qsim tar-riskju u r-rikapitalizzazzjoni riċenti tal-BEI, għalkemm mhux adegwata fil-fehma tal-KESE, bla dubju se ssaħħaħ il-kapaċità tiegħu li joħloq effett ta' lieva fuq finanzjament privat addizzjonali tal-investiment. Il-KESE jħeġġeġ lill-BEI biex jagħmel iżjed biex jippromovi proġetti transkonfinali tal-infrastrattura ewlenin li jiffaċċjaw ostakli ta' finanzjament partikolari.

3.1.3

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Bonds għall-Proġetti tal-UE 2020 u issa qed jitmexxew f'għadd ta' proġetti ta' investimenti tal-infrastruttura PPP fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi tal-ICT (1). Il-Kummissjoni ssemmi r-rwol potenzjali tal-fondi sovrani fil-finanzjament tal-investimenti fuq medda itwal ta' żmien. Bħal fil-każ tal-Bonds għall-Proġetti li ġew żviluppati b'mod konġunt mill-Kummissjoni u l-BEI, jista' jkun hemm lat pożittiv fl-iżviluppar ta' inizjattivi konġunti simili mal-fondi sovrani fejn jiżdiedu r-riżorsi disponibbli ta' finanzjament għall-investimenti iktar fit-tul.

3.1.4

Rigward il-kwistjoni tal-investituri istituzzjonali, il-Green Paper jinnota n-nuqqas ta' qbil potenzjali bejn il-ħtieġa għal regolazzjoni effettiva tar-riskju tal-assi fost l-impriżi tal-assikurazzjoni u l-ħtieġa biex dawn jiġu inċentivati jiffinanzjaw investimenti iktar fit-tul. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-assikurazzjoni Ewropej dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel proposti dwar fondi ta' investiment fit-tul bil-għan li jiġi stimolat il-ħolqien ta' għadd ta' mekkaniżmi għall-ġbir flimkien tar-riskji ta' tipi differenti ta' investituri istituzzjonali. Din il-proposta għandha ħafna aspetti favuriha. Il-fondi tal-pensjonijiet jistgħu jaqdu rwol iżjed prominenti fl-investiment fit-tul iżda qed jipperċepixxu għadd ta' ostakli istituzzjonali, regolatorji u politiċi 'l quddiem. B'mod partikolari huma mħassba li dawk li jfasslu l-politika jipprovaw jġagħluhom jerfgħu r-responsabbiltà biex jiffinanzjaw ċerti tipi ta' proġetti li mhumiex fl-interess tal-membri tagħhom. Għandhom jiġu kkonsultati l-fondi tal-pensjonijiet dwar kif għandhom jiġu minimizzati u megħluba dawn l-ostakli. Il-ħolqien ta' unjoni bankarja jista' jgħin f'dan il-kuntest.

3.1.4.1

Fil-kuntest tat-tħeġġiġ ta' aktar parteċipazzjoni ta' investituri istituzzjonali fil-għoti ta' finanzjament fit-tul, jistgħu jaqdu rwol ukoll inċentivi fiskali tad-dħul korporattiv. Sistemi ta' indennizzi li dejjem jonqsu fir-rigward ta' investimenti fi proġetti kbar tal-infrastruttura tista' twassal għal iktar parteċipazzjoni ta' investituri istituzzjonali fihom.

3.2   L-effiċjenza u l-effikaċja tas-swieq finanzjarji li joffru strumenti ta’ finanzjament fuq terminu twil

3.2.1

Il-Green Paper jinnota li sabiex jitwessa' u jiġi approfondit il-ġbir flimkien tal-finanzjament fit-tul, xi swieq kapitali fl-Ewropa jridu jiżviluppaw u jimmaturaw. Is-swieq tal-bonds fl-UE huma inqas żviluppati milli fl-Istati Uniti u ħafna mill-mid-caps u l-SMEs m'għandhomx il-kapaċitajiet biex ikunu attivi fihom. Anke l-wasla tal-Bonds tal-Proġetti ġiet milqugħa b'kawtela mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni u dan jenfasizza l-problemi li se jkun hemm biex tikber il-kapaċità tas-suq tal-bonds. Jekk inizjattivi bħal Bonds tal-Proġetti, li jistgħu joħolqu sa EUR 4,6 biljun għal proġetti ġodda tal-infrastruttura, ikollhom suċċess fl-espansjoni tas-suq għall-finanzjament tal-bonds, għandhom jissaħħu malli l-istadju pilota jagħlaq u jiġi evalwat.

3.3   Politiki li jinkoraġġixxu tfaddil u investiment iktar fit-tul

3.3.1

Hemm reviżjoni estensiva tal-fatturi li qed jinfluwenzaw it-tfaddil fit-tul tal-finanzjament. Min-naħa tal-provvista, filwaqt li xi Stati Membri għamlu sforzi biex isaħħu l-provvista tal-flus imfaddla fit-tul, għad irid isir ħafna iżjed. Il-Green Paper jissuġġerixxi l-ħolqien possibbli ta' veikoli ta' tfaddil madwar l-UE kollha maħsuba biex jimmobilizzaw tfaddil iktar fit-tul ipotekat għal objettivi soċjali usa'. Din l-idea jista' jkollha xi vantaġġi fil-kuntest tal-espansjoni ta' infrastrutturi transkonfinali. Tista' tistimola wkoll aktar mobilità tal-forza tax-xogħol u pjanar għall-irtirar madwar is-suq uniku. Jista' jkun neċessarju li jiġu offruti prodotti ta' tfaddil ġodda b'rata ta' interess primjum jew rata ta' interess fuq diversi gradi sabiex jiġi inċentivizzat tfaddil iktar fit-tul.

3.3.2

Tassazzjoni. Ir-relazzjoni bejn it-tassazzjoni, it-tfaddil fit-tul u l-investiment fuq terminu twil hija analizzata fid-dettall. It-trattament tat-tassazzjoni korporattiva fuq l-investiment għandu t-tendenza li jipproduċi preferenza lejn id-dejn minflok il-finanzjament tal-ekwità. Sabiex jinstabu riformi adatti li jinkoraġġixxu iktar użu tal-finanzjament tal-ekwità għal investimenti iktar fit-tul, tista' tkun idea tajba li tintuża sistema ta' għajnuna li dejjem tonqos. Dawn is-sistemi jintużaw ħafna fit-tassazzjoni tad-dħul kapitali u jistgħu jitfasslu b'mod li joħolqu bilanċ ma' wħud mill-vantaġġi fiskali attwali tal-finanzjament tad-dejn.

3.3.3

F'termini ta' tfaddil fit-tul u s-sistema tat-tassazzjoni, il-Kummissjoni tinnota l-importanza li tiġi żgurata provvista stabbli u adegwata ta' tfaddil u tal-inċentivi neċessarji sabiex tinħoloq din il-provvista. Xi Stati Membri kellhom suċċess relattiv fl-inċentivar ta' tfaddil relatat mal-pensjonijiet u tfaddil ieħor, permezz tal-użu intelliġenti tas-sistema tat-tassazzjoni. Iċ-ċittadini għandhom it-tendenza li jibżgħu mill-prospett li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul umbagħad iktar taxxa fuq tfaddil fuq terminu twil minn dan id-dħul li jibqa' wara t-taxxa. Għandu jkun possibbli li jiġu mfassla u kummerċjalizzati prodotti ta' tfaddil personali adatti b'taxxa baxxa jew l-ebda taxxa, b'limiti annwali adegwati sabiex jitħeġġeġ aktar ippjanar finanzjarju fuq terminu twil.

3.3.4

L-użu ta' inċentivi fiskali sabiex jintlaħqu r-rriżultati mixtieqa ta' investiment fit-tul għandu l-iżvantaġġi tiegħu wkoll. Hemm kwistjonijiet serji bħal "deadweight" u arbitraġġ li jridu jiġu indirizzati. Madankollu, l-użu ta' inċentivi fiskali fi ħdan perspettiva ta' ppjanar konsistenti u b'saħħitha u iktar fit-tul huwa neċessarju sabiex jiġu stimilati u jintlaħqu l-livelli mixtieqa ta' investiment.

3.3.5

Governanza korporattiva. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta' perspettiva fit-tul hija fil-qalba tal-forniment ta' investiment fit-tul u hija marbuta ħafna mal-governanza korporattiva. S'issa ħafna mill-inċentivi għall-maniġers ta' fondi, il-bankiera tal-investiment u l-uffiċjali eżekuttivi korporattivi kellhom it-tendenza li jkun fuq medda qasira ta' żmien min-natura tagħhom. Il-bdil ta' dawn l-inċentivi sabiex jitħeġġu livelli ogħla ta' prestazzjoni fit-tul mhux se jkun xogħol faċli. Il-Green Paper jinkludi għadd ta' suġġerimenti interessanti, inkluż drittijiet imsaħħa għall-votanti u dividendi għal investituri fuq terminu twil u bidliet fid-direttiva dwar id-drittijiet tal-azzjonisti. Forsi l-użu iktar proattiv tal-indennizzi fuq it-taxxa fuq il-qligħ kapitali jista' jkun mod wieħed kif titħeġġeġ is-sjieda iktar fit-tul tal-ishma mill-maniġers ta' fondi.

3.4   Il-kapaċità tal-SMEs biex jiksbu aċċess iktar faċli u malajr għal finanzjament mill-banek u mhux mill-banek

3.4.1

Il-Green Paper jinnota d-diffikultajiet dejjem qed jiżdiedu li qed jiffaċċjaw l-SMEs f'ħafna Stati Membri biex ikollhom aċċess għall-finanzjament sabiex jissopravivu u jikbru. Apparti mill-effetti tat-tneħħiha tal-effett ta' lieva mill-banek, l-SMEs jiffaċċjaw sorsi ta' finanzjament alternattivi li huma fframmentati u li jiġu attivati ftit ftit. Il-banek lokali, sa ċertu punt, tilfu jew ħollu r-rabtiet tagħhom mar-reġjuni lokali. Relazzjonijiet bejn il-banek u l-SMEs iddgħajfu u dawn iridu jitrawmu mill-ġdid jew jissaħħu. Twettqu diversi inizjattivi sabiex jiġu pprovduti sorsi mhux bankarji ta' finanzjament għall-SMEs, inkluż l-aċċess għal xi fondi tal-kapital ta' riskju, l-użu tal-finanzjament tal-assi (2), il-finanzjament tal-katina tal-provvista u l-"crowd funding". Madankollu, fadal ħafna xi jsir. L-industrija tal-assikurazzjoni u l-fondi tal-pensjonijiet iridu jaqdu rwol iżjed prominenti iżda jesiġu inċentivi adatti, u dawn issa jridu jiġu indirizzati mill-Kummissjoni. Miżuri futuri favur l-SMEs sabiex ikollhom aċċess għal finanzjament iktar fit-tul għandhom jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-miżuri kif kien maħsub oriġinarjament – mingħajr mal-banek iżidu kondizzjonijiet addizzjonali eċċessivi, jekk il-miżuri se jiġu implimentati mill-kanali bankarji.

3.4.2

Kapital ta' riskju. Il-Kummissjoni qed tissuġġerixxi approċċ ta' "fondi ta' fondi" sabiex tinħoloq massa kritika ta' finanzjament tal-kapital ta' riskju. Barra minn hekk, il-fond propost ta' garanziji għall-investituri istituzzjonali jista' jwessa' s-suq. Il-KESE diġà ppropona li r-rwol tal-FEI għandu jitwessa' lil hinn mill-għoti ta' self u jinkludi wkoll il-provvista ta' kapital ta' riskju. (3). Dawk li ħolquh lura fl-1994 hekk kellhom f'moħħhom. Li kieku l-FEI, bħall-BEI, kellu jiġi kapitalizzat mill-ġdid, kien isir wieħed mill-provvedituri ewlenin tal-finanzjament ta' kapital ta' riskju għall-SMEs.

3.4.2.1

Id f'id mal-espansjoni tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju għall-SMEs hemm l-espanzsjoni ta' pjattaformi li diġà jeżistu jew il-ħolqien ta' pjattaformi ġodda tal-kummerċ għall-finanzjament tal-ekwità tal-SMEs. Il-Green Paper jinkludi għadd ta' proposti utli dwar dan is-suġġett. Meta wieħed iqis li l-gvernijiet nazzjonali u reġjonali diġà huma involuti fil-promozzjoni tas-sopravivenza u tat-tkabbir fit-tul tal-SMEs, permezz tal-entitajiet ta' żvilupp reġjonali tagħhom, wieħed jista' jargumenta li dawn l-entitajiet ikollhom rwol fl-operat ta' dawn il-pjattaformi ta' kummerċ tal-SMEs. Dan ir-rwol jista' jibda mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà tal-kreditu tal-SMEs li huma klijenti sal-għoti ta' garanziji limitati lil investituri istituzzjonali.

3.4.3

Il-KESE kien jippreferi li l-Green Paper jagħti aktar appoġġ lill-investimenti fil-fondi soċjalment responsabbli permezz tal-ħolqien ta' regolamenti fiskali u finanzjarji adatti kif ukoll permezz tal-akkwist pubbliku nnifsu. F'dan ir-rigward jista' jkun hemm każ favur il-ħolqien ta' Osservatorju Ewropew għal investimenti fit-tul. Dan il-korp, bil-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata, jista' jimmonitorja żviluppi kemm fil-provvista u d-domanda għal investimenti u tfaddil fit-tul, kif ukoll jgħin biex tiġi żgurata provvista adegwata ta' informazzjoni rilevanti għat-teħid ta' deċiżjonijiet tajba dwar investimenti fit-tul minn aġenti ekonomiċi.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ara pereżempju COM(2009) 615 final.

(2)  Ara pereżempju il-Funding for Lending Scheme http://www.hm-treasury.gov.uk/ukecon_fundingforlending_index.htm.

(3)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Doganali u s-Sigurtà tal-Katina tal-Provvista”

COM(2012) 793 final

2013/C 327/04

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Doganali u s-Sigurtà tal-Katina tal-Provvista

COM(2012) 793 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’168 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa tal-fehma li huwa fundamentali li jkun hemm approċċ komuni fil-konfront tal-ġestjoni tar-riskju doganali u s-sigurtà tal-katina tal-provvista biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u nondiskriminatorja tal-leġislazzjoni Ewropea, min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati kollha fl-unjoni doganali kollha, li hija l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

1.2

Il-KESE jappoġġa bil-qawwa l-proposti tal-Kummissjoni, li għandhom l-għan li jiżguraw effettività u effiċjenza ikbar fil-ġestjoni tar-riskju u tal-moviment tal-merkanzija minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE, permezz ta' strateġija komuni, b'sistemi tal-IT adatti għal ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE.

1.3

Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-orjentazzjoni u l-applikazzjoni tal-unjoni doganali – li twaqqfet mit-Trattat ta' Ruma fl-1957 u ġiet implimentata fl-1968 bħala politika komuni bil-għan li tiggarantixxi żona kummerċjali unika li fiha l-persuni u l-merkanzija jiċċirkolaw b'mod ħieles u b'sistema ta' "one-stop-shop" għall-prattiki doganali tal-operaturi kummerċjali kollha mingħajr diskriminazzjoni abbażi tat-trattament fl-UE kollha – għadhom mhumiex uniformi, li b'hekk jimpedixxu ġestjoni effiċjenti u effettiva tar-riskji doganali, li jwasslu biex inaqqsu r-ritmu tal-flussi kummerċjali u l-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE.

1.4

Il-KESE jemmen li huwa fundamentali li jittejbu l-kapaċitajiet doganali fl-inħawi kollha tal-UE, biex jiġi żgurat livell għoli fil-ġestjoni tar-riskju fl-unjoni doganali kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni uniformi ta' definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u ġbir u trażmissjoni tad-data fil-bażi tad-data Komunitarja, abbażi ta' kriterji komuni li ma jkunux ambigwi u jiġu vverifikati permezz ta' sistema unika ta' garanzija u ta' kwalità, u ssorveljati permezz ta' sanzjonijiet għat-trasgressuri.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu żviluppati standards tekniċi u regolatorji komuni biex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi ta' ġestjoni tar-riskju ta' kwalità għolja, fil-fruntieri esterni kollha tal-UE, flimkien ma' sforz fil-livell Komunitarju favur taħriġ ta' livell għoli lill-professjonijiet, li jqis ukoll l-impenji differenti tal-bosta ċirkustanzi nazzjonali diversi.

1.6

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-interoperabbiltà sħiħa tal-bażijiet tad-data differenti li jeżistu fis-sistema Ewropea għas-sorveljanza tas-suq, abbażi ta' strateġija komuni u b'appoġġ qawwi mill-programmi Komunitarji għall-iżvilupp teknoloġiku, bil-għan li tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet differenti, fil-livelli differenti, f'ħin reali, u anke bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-riskju potenzjali ta' dumping sanitarju, ambjentali u soċjali.

1.7

Il-KESE jitlob li jissaħħu l-azzjonijiet Komunitarji għall-iżvilupp ta' riżorsi umani kkwalifikati u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni, anke permezz ta' intervent bil-għan li jintradd lura l-bilanċ fil-konfront tal-karigi ta' kontroll, u permezz tat-twaqqif ta' task force komuni li jipprovdi, f'każ li jintalab, appoġġ doganali li jiżgura intervent f'waqtu meta jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli.

1.8

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li tissaħħaħ is-sħubija bejn l-awtoritajiet doganali, it-trasportaturi u l-operaturi ekonomiċi awtorizzati, billi jissaħħu l-istatus u l-benefiċċji tagħha, biex tiġi żgurata l-aħjar kooperazzjoni possibbli fil-ġestjoni tar-riskju, permezz tat-trażmissjoni tad-data li ssir darba waħda biss, mingħajr dupplikazzjonijiet burokratiċi inutli.

1.9

Il-KESE jitlob li tiġġedded is-sistema tal-governanza, li tinkludi l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji, l-aġenżiji u s-sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni Ewropej kollha, biex tiġi żgurata kooperazzjoni iżjed strutturata u sistematika bejn id-dwani u l-awtoritajiet l-oħra li joperaw fis-suq intern.

1.10

Il-KESE jitlob li l-pakkett ta' azzjonijiet definiti fil-pjan pluriennali għas-sorveljanza tas-suq jiġi implimentat b'mod koerenti u kkoordinat, biex jiġu evitati kontrolli doppji, l-applikazzjoni ta' kriterji differenti, diversi talbiet għall-istess data, viżjonijiet differenti fost l-awtoritajiet differenti ta' kontroll u sorveljanza tas-suq, u nuqqas ta' interoperabbiltà.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-unjoni doganali hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

2.2

Fl-2004, il-KESE kien enfasizza l-bżonn ta' orjentazzjoni ġdida fl-approċċ strateġiku marbut mal-politiki tas-servizzi doganali li, bir-raġun, tpoġġi enfasi ikbar fuq l-isfidi li tinvolvi l-applikazzjoni tal-politiki doganali komuni fil-fruntieri esterni l-ġodda tal-Unjoni, wara t-tkabbir. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-kuntest inbidel wara l-preokkupazzjonijiet li tqajmu, speċjalment wara l-avvenimenti li ġraw fl-Istati Uniti, f'dak li jirrigwarda l-proċeduri ta' sigurtà għall-ħarsien taċ-ċittadini tal-Unjoni (1).

2.3

Fid-dawl tal-problemi serji ta' operat li qed tiffaċċja l-unjoni doganali, minħabba l-applikazzjoni mhux uniformi tal-leġislazzjoni Komunitarja, li tista' tikkomprometti l-effettività globali minħabba ineffiċjenza, ħela u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli, il-KESE talab għal "politika doganali unika, abbażi ta’ proċeduri konsistenti, modernizzati, trasparenti, effikaċi u ssemplifikati, li tista’ tikkontribwixxi għall-kompetittività ekonomika tal-UE, fil-livell globali (…)" (2).

2.4

L-unjoni doganali hija l-organu operattiv ta' bosta mill-miżuri ta' politika kummerċjali tal-UE u timplimenta għadd ta' ftehimiet internazzjonali, marbutin mal-flussi kummerċjali tal-UE, u tiżviluppa – permezz tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri – proċessi orizzontali importanti li jinvolvu l-ġestjoni tad-data, il-ġestjoni tal-operaturi kummerċjali u "l-immaniġġjar tar-riskju, inkluż l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, l-analiżi u l-mitigazzjoni tal-ħafna tipi u livelli differenti ta’ riskji assoċjati mal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija" (3).

2.5

L-introduzzjoni ta' approċċ komuni għall-ġestjoni integrata tar-riskju, fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ, għandha l-għan li tilħaq l-għanijiet li ġejjin:

allokazzjoni aħjar tar-riżorsi umani u finanzjarji li għandhom jiġu kkonċentrati, fejn meħtieġ;

applikazzjoni integrali u uniformi tal-leġislazzjoni doganali Komunitarja;

sistema integrata ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, l-operaturi u t-trasportaturi;

prattiki ssemplifikati u tnaqqis fil-ħin u l-ispejjeż marbutin mat-tranżazzjonijiet.

3.   Ir-rwol tad-dwani fil-qasam tas-sigurtà

3.1

Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qagħda tal-unjoni doganali fl-aħħar tal-2012, "Id-dwana hija l-unika awtorità pubblika li għandha responsabbiltà kompluta tal-ħarsa ġenerali u l-kontroll għall-merkanzija kollha li tgħaddi fil-fruntieri esterni tal-UE, li, ladarba jiġu rilaxxati mid-dwana għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa x’imkien fl-UE, jistgħu jiċċaqalqu b’mod ħieles fi ħdan kwalunkwe parti tat-territorju doganali tal-UE" (4).

3.2

Bis-saħħa ta' din il-pożizzjoni unika, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni għandhom ir-responsabbiltà prinċipali għas-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-Komunità u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aspetti esterni tas-suq intern, għall-politika kummerċjali komuni u tal-politiki l-oħra dwar il-kummerċ u s-sigurtà tal-katina sħiħa tal-loġistika.

3.3

Il-KESE enfasizza li "unjoni doganali effiċjenti tkun ‘conditio sine qua non’ tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija effiċjenti, sikura u trasparenti, bl-ikbar ħarsien tal-konsumatur u l-ambjent u ġlieda effikaċi u konsistenti kontra l-frodi u l-kuntrabandu fit-territorju kollu tal-Unjoni" (5) u rrakkomanda politika doganali unika, abbażi ta' proċeduri uniformi, trasparenti, effikaċi u ssemplifikati.

3.4

Għalkemm huwa bbażat fuq leġislazzjoni u politika komuni, il-funzjonament operattiv tal-unjoni doganali huwa kumpless u għadu qed jiġi implimentat minn 27 amministrazzjoni differenti fl-UE, liema ħaġa titlob taħlita ta' fatturi umani, tekniċi u finanzjarji f'livelli differenti, kemm għall-applikazzjoni tal-proċeduri biex il-merkanzija tinħareġ mid-dwana u l-proċeduri ta' kontroll, kif ukoll fil-ġestjoni u l-ipproċessar tad-data, tal-operaturi ekonomiċi, tal-ġestjoni tal-livelli differenti ta' riskju, marbutin mal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u mas-sigurtà tal-katina tal-provvista.

3.5

Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ li jiġi evitat li l-Istati Membri jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt meta jiġu biex japplikaw il-leġislazzjoni doganali sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jikkunsidraw il-volum tal-flussi kummerċjali kkonċernati. F'dan ir-rigward, il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri żiedu l-miżuri biex jiffaċilitaw il-kummerċ: formalitajiet mingħajr l-użu ta' karti, proċeduri ssemplifikati u l-implimentazzjoni tal-istatus ta' operatur awtorizzat.

3.6

Kwalunkwe armonizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-"aħjar prattiki" u mhux fuq livell medju Ewropew.

3.7

Jekk l-għan huwa li jiġu razzjonalizzati l-ispejjeż u li l-ħidma tkun orjentata lejn il-ksib ta' riżultati – anke mil-lat ta' dħul f'dak li jirrigwarda l-aspett finanzjarju – u jkun hemm progress konkret, il-KESE huwa tal-fehma li l-kontrolli għandhom isiru mhux fuq metodoloġija bbażata fuq operazzjonijiet individwali iżda fuq "metodoloġija sistemika" msejsa fuq valutazzjoni tar-riskji.

4.   Il-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista

4.1

Fid-dawl ta' flussi kummerċjali li qed jiżdiedu kontinwament, mudelli ġodda dejjem iżjed kumplessi u b'ritmi dejjem iżjed mgħaġġla, il-funzjonament operattiv tal-unjoni doganali huwa soġġett għal pressjonijiet li kulma jmur qed jikbru, meta wieħed iqis iż-żieda rapida fil-kompiti li jridu jsiru u l-aspettattivi tal-partijiet interessati. Il-modernizzazzjoni tal-funzjonijiet operattivi, fi ħdan ambjent doganali elettroniku, tfisser:

l-applikazzjoni ta' proċeduri ġodda fuq skala Ewropea;

investimenti ikbar fl-IT;

ħiliet ġodda għall-persunal;

4.2

Sabiex jinkisbu strateġiji komuni effettivi għall-analiżi, il-kontroll u l-ġestjoni tar-riskju, tinħtieġ bidla kulturali fi ħdan l-amministrazzjonijiet ikkonċernati kollha lejn għanijiet strateġiċi u metodoloġiji komuni, f'qafas ta' ġestjoni konġunta tar-riskju ma' aġenziji u msieħba internazzjonali oħra, b'mod partikolari mil-lat tas-sigurtà, is-saħħa u l-ambjent.

4.3

B'mod partikolari, ġestjoni effettiva tar-riskju titlob kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq, fil-livell nazzjonali u tal-UE. Mingħajr din il-kooperazzjoni, ikun hemm ostakli serji għall-iżvilupp ta' kriterji komuni u profili speċifiċi marbutin mar-riskju.

4.4

L-introduzzjoni ta' approċċ komuni għall-ġestjoni tar-riskju, fil-punti tad-dħul u l-ħruġ, għandha tikkunsidra l-fatt li, attwalment, 'il fuq minn 60 att legali (6) jiddelegaw ir-responsabbiltà ta' kontroll lid-dwani, filwaqt li l-awtoritajiet ta' sorveljanza jiġu ddelegati katina ta' proċessi interdipendenti, li jvarjaw minn spezzjonijiet, kampjunar, testijiet fil-laboratorju u l-interpretar tar-riżultati sal-valutazzjoni tar-riskji, u miżuri korrettivi u sanzjonijiet bil-għan li titjieb is-sigurtà tal-prodotti li jiċċirkolaw fis-suq, kif previst fl-Atti I (7) u II (8) dwar is-Suq Uniku.

4.5

Il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tar-riskji għandhom jiltaqgħu flimkien fi ħdan pjattaforma sistemika komuni – fost affarijiet oħra, permezz tal-gruppi ta' kooperazzjoni amministrattiva – li tkun tħaddan l-awtoritajiet doganali u dawk responsabbli għas-sorveljanza tas-suq fil-livelli differenti, biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenzi miksuba fil-bażijiet tad-data differenti li huma attivi fl-oqsma differenti.

4.6

L-awtoritajiet doganali u dawk responsabbli għas-sorveljanza tas-suq għandhom jiġbru flimkien ir-riżorsi u l-ħiliet disponibbli sabiex "japplikaw metodi faċli għall-SMEs" (9) fost affarijiet oħra, permezz tal-implimentazzjoni tal-linji gwida min-naħa taż-żewġ awtoritajiet li huma, billi jsaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u l-attivitajiet konġunti, bil-għan li jkun hemm ġestjoni mmirata tal-kunsinji li jinvolvu riskji kbar ta' sigurtà.

5.   Ir-rwol tas-sħubija bejn id-dwani, l-operaturi kummerċjali u t-trasportaturi

5.1

Ir-rwol tas-sħubija bejn l-awtoritajiet doganali, l-operaturi kummerċjali u t-trasportaturi hija fundamentali biex tiggarantixxi l-integrità tal-katina tal-provvista, fl-interess taċ-ċittadini, l-inrtrapriżi u l-amministrazzjoni pubblika.

5.2

Sħubija ta' din ix-xorta għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmi sodi ta' fiduċja reċiproka, li tinvolvi:

l-allinjament tal-obbligi ġenerali tal-operaturi ekonomiċi biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-prodotti u responsabbiltajiet ċari għall-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri, b'miżuri importanti bil-għan li l-katina tal-provvista tkun sigura;

it-trażmissjoni ta' data kodifikata ta' kwalità għolja min-naħa tal-operaturi lill-awtoritajiet kollha involuti fil-ġestjoni tar-riskji, filwaqt li tiġi żgurata l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-merkanzija u tal-partijiet reali koinvolti;

l-iżgurar ta' trattament indaqs tal-operaturi fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji fl-UE kollha u fi kwalunkwe punt tal-fruntieri esterni tagħha, biex jiġu evitati disparitajiet fit-trattament;

kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-impriżi li jittrasportaw merkanzija minn fruntiera għal oħra;

il-limitazzjoni tal-piżijiet amministrattivi, proċedurali u burokratiċi fuq l-operaturi, b'mod partikolari jekk ikunu SMEs.

5.3

Il-limitazzjoni tal-kontrolli indiskreti diġà tinsab fost id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Kyoto dwar is-Semplifikazzjoni u l-Armonizzazzjoni tal-Proċeduri Doganali (riveduta) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) (10), u tidher ukoll fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-iffaċilitar tal-kummerċ (11), minkejja t-tentazzjoni li jissaħħu l-kontrolli sistematiċi, speċjalment wara l-avvenimenti tal-11 ta' Settembru 2001.

5.4

Jeħtieġ li tiġi indirizzata l-frammentazzjoni tal-flussi tal-informazzjoni u jingħelbu d-diffikultajiet marbutin mad-differenzi fil-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskju bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell uniformi ta' ġestjoni u analiżi elettronika tar-riskji: il-bażi ta' dan għadu l-iżvilupp ta' kultura komuni Ewropea tal-ġestjoni tar-riskju u tas-sigurtà tal-provvista.

6.   It-teknoloġiji l-ġodda: l-interoperabbiltà tas-sistemi u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni

6.1

Il-programmi pluriennali tal-UE fil-qasam tar-R&Ż – b'mod partikolari s-Seba' Programm Qafas, iżda anke l-IDABC (12) u l-ISA (13) għall-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi – huma s-sisien għall-iżvilupp ta' għadd ta' proġetti komuni fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, bi strumenti ġodda li kapaċi jevitaw proċessi u dominji nazzjonali tal-infrastruttura u tal-applikazzjonijiet tal-IT, li jvarjaw b'mod sostanzjali minn Stat Membru għal ieħor.

6.2

Huwa essenzjali li l-isforzi ta' innovazzjoni u ta' R&Ż fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju u tas-sigurtà tal-katina tal-provvista jkunu kkoordinati fl-UE biex jiġu żgurati t-tixrid u l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija. B'mod partikolari, il-proġetti ta' dimostrazzjoni tat-tip "prova tal-kunċett" (l-hekk imsejjaħ POC bl-Ingliż) u l-linji pilota ta' manifattura huma l-prerekwiżiti għat-tixrid tat-teknoloġiji fuq skala industrijali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jiffinanzjaw dawn l-inizjattivi permezz tal-fondi strutturali jew fil-qafas tal-Orizzont 2020 u permezz ta' programmi oħra tal-UE.

7.   Kooperazzjoni u koordinazzjoni strutturati u sistematiċi bejn id-dwani u awtoritajiet oħra

7.1

Il-KESE diġà kellu l-okkażjoni jenfasizza, anke dan l-aħħar, il-bżonn ta' "kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet doganali, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej, sabiex ikun hemm kontroll ikbar fuq il-kwalità tal-prodotti li jaqsmu l-fruntieri" (14), u saħaq fuq il-bżonn li tingħata informazzjoni adegwata u taħriġ konġunt.

7.2

Skont il-Kummissjoni, "Fil-livell tal-UE, ġabra mtejba tal-kapaċità u r-riżorsi tal-Istati Membri hija meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-ġestjoni tar-riskju tal-UE b’mod aktar effettiv f’kull punt tal-fruntiera esterna" anke permezz tal-"varar f’ħin reali ta’ magna tar-riskju elettroniku" biex b'hekk jissaħħu l-kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni.

7.3

Fil-fehma tal-KESE, il-kwistjoni tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji tirrappreżenta wieħed mill-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni, mhux biss fil-livell tal-koordinazjoni sistemika tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda wkoll fil-livell tal-Komunità nnifisha, bejn id-direttorati ġenerali u l-aġenziji operattivi differenti.

8.   Kummenti ġenerali

8.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li tiżgura l-effettività u l-effiċjenza tal-ġestjoni tar-riskju u tal-movimenti tal-merkanzija minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE, permezz ta' strateġija komuni f'diversi livelli biex jiġu identifikati t-tip u l-livell tar-riskju u l-firxa tar-risposti possibbli, fi ħdan qafas Ewropew ta' koordinazzjoni bejn il-korpi differenti, abbażi ta' approċċ uniformi u kriterji kondiviżi u definiti minn qabel.

8.2

Il-KESE huwa konvint mill-bżonn li jiġi ċentralizzat il-proċess ta' żdoganar elettroniku (electronic clearance), billi l-Kummissjoni tiġi attrezzata b'sistemi adatti tal-IT għal ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni, abbażi ta' netwerk ta' bażijiet tad-data interoperattivi u permezz tal-użu sistematiku ta' metodi ta' ħidma standardizzati, li jħarsu s-sistema mir-riskju ta' dumping sanitarju, ambjentali u soċjali, fir-rigward tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-intrapriżi.

8.3

Fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li jiżdiedu l-kapaċitajiet doganali sabiex, fi kwalunkwe punt tat-territorju Ewropew, jiġi garantit livell ekwivalenti tal-ġestjoni tar-riskju, skont kriterji komuni u mhux ambigwi, verifikati permezz ta' sistema unika ta' assigurazzjoni u kwalità u ssorveljati, flimkien ma' sanzjonijiet għat-trasgressuri.

8.4

Il-KESE huwa tal-fehma li din il-kwistjoni bi dritt tagħmel parti mill-ambitu tal-pjan pluriennali għas-sorveljanza tas-suq, li jiddefinixxi 20 azzjoni  (15) konkreta, li għandhom jiġu implimentati sal-2015, b'enfasi partikolari fir-rigward:

tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-linji gwida fl-Istati Membri mill-awtoritajiet doganali u dawk responsabbli għas-sorveljanza tas-suq (Azzjoni 17);

tat-titjib fl-effiċjenza tas-sigurtà fil-fruntieri u l-kontrolli tal-konformità (Azzjoni 18);

tal-immappjar tad-differenzi fit-trattament tal-kontrolli tas-sigurtà u tal-konformità għall-prodotti li jidħlu fl-Unjoni (Azzjoni 19);

tal-iżvilupp ta’ approċċ tar-riskju komuni għas-sigurtà tal-prodotti doganali u l-kontrolli tal-konformità (Azzjoni 20).

8.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ġestjoni tal-kontrolli doganali u dik tas-sorveljanza tas-suq ma jistgħux jiġu ttrattati separatament, u li d-definizzjoni ta' approċċ komuni fil-livell Ewropew għandha tiġi kkunsidrata b'mod konġunt, flimkien mal-interoperabbiltà sħiħa tal-istrumenti ta' analiżi, ġbir u tfassil tad-data fin-netwerk min-naħa tal-awtoritajiet differenti involuti.

8.6

Il-KESE huwa favur sistema ta' appoġġ li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-ġestjoni tar-riskju, bil-għan li jiġu żgurati standards uniformi ta' kwalità tajba, permezz ta' mekkaniżmu Komunitarju ta' verifika, kontroll, monitoraġġ u sanzjonar, iżda wkoll permezz ta' sforz ikbar min-naħa tal-UE b'rabta mat-taħriġ tal-professjonijiet bi kwalifiki għoljin, li huma meħtieġa l-iżjed fejn l-impenn u l-ispejjeż huma iżjed għoljin, pereżempju fil-fruntieri taż-żona Schengen.

8.7

F'dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jissaħħu l-azzjonijiet Komunitarji għall-iżvilupp ta' riżorsi umani kwalifikati u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġestjonali, fost affarijiet oħra permezz tat-twaqqif ta' task force komuni li jipprovdi appoġġ doganali, li jiggarantixxi intervent f'waqtu meta jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli.

8.8

Bil-għan li jiġu żgurati standards komuni ċari u koerenti fis-suq uniku kollu, għall-istess livelli ta' sigurtà, il-KESE jitlob bil-qawwa kooperazzjoni iżjed mill-qrib u kondiviżjoni ikbar tal-informazzjoni – abbażi ta' standards komuni ta' livell għoli – bejn l-amministrazzjonijiet doganali, l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq, id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej, bil-għan li jkun hemm kontroll ikbar tal-kwalità tal-beni li jaqsmu l-fruntieri.

8.9

Il-KESE japprova l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Progress fuq l-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali" (16) f'dak li jirrigwarda t-titjib tal-governanza tal-unjoni doganali, it-tisħiħ tal-abbiltà tagħha li tkejjel l-impatt proprju tagħha u tippromovi aktar l-applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni doganali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-aġenziji l-oħra u, fuq kollox, l-adozzjoni ta' "approċċ aktar komprensiv tal-katina tal-provvista internazzjonali", l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-forniment ta' "benefiċċji reali u tanġibbli lill-operaturi ekonomiċi awtorizzati".

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 110,30.4.2004, p. 72(mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  GU C 229, 31.7.2012, p. 68.

(3)  COM(2012) 791 final.

(4)  COM(2012) 791 final.

(5)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 68.

(6)  Anness II ta' SEC(2011) 1317 final – Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument "Programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS)" (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  COM(2011) 206 final.

(8)  COM(2012) 573 final.

(9)  COM(2013) 76 final, Azzjoni 9.

(10)  WCO 2003.

(11)  Artiikolu VIII tal-GATT (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ), li għandu l-għan li jillimita l-proċeduri meħtieġa għall-operazzjonijiet marbutin mal-importazzjoni u l-esportazzjoni.

(12)  Interoperable Delivery of Pan-European e-Government Services to Public Administrations, Businesses and Citizens. Il-programm IDABC jikkontribwixxi għall-inizjattiva i2010 li għandha l-għan li timmodernizza s-settur pubbliku Ewropew.

(13)  Interoperability Solutions for European Public Administrations Program 2010–15.

(14)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 68.

(15)  COM(2013) 76 final.

(16)  ĠU C 80, 19.3.2013, p. 11.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi”

COM(2013) 36 final

2013/C 327/05

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi

COM(2013) 36 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2013.

Matul l-491sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, vot 1 kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-approċċ olistiku tal-Pjan ta' Azzjoni u diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar bosta mill-11-il azzjoni proposti li madankollu jeħtieġu żminijiet u appoġġi – anki ekonomiċi – differenti biex jitwettqu.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li wħud mill-azzjonijiet qegħdin fil-periklu li jiġu injorati jew ma jitwettqux kompletament minħabba li ma jitqisux ir-riperkussjonijiet li qed ikollha l-kriżi fuq is-settur, bħal fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-awsterità.

1.3

Jirrakkomanda li fl-implimentazzjoni tal-Pjan titqies u tiġi valorizzata d-diversità, li ta' spiss timmanifesta ruħha fil-għamla ta' SMEs u mikrointrapriżi.

1.4

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf grupp permanenti għall-kompetittività tal-kummerċ bl-imnut u jispera li jkunu jistgħu jagħmlu parti minnu l-imsieħba soċjali Ewropej, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li informazzjoni rilevanti u ta' min joqgħod fuqha ma tkunx biss disponibbli iżda realment magħrufa mill-konsumatur, f'forma ta' spjegazzjoni li tkun fil-qosor u faċilment tinftiehem (mhux teknika jew legali).

1.6

Jirrakkomanda wkoll li jiġu stimolati l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu liema forom ta' kummerċ bl-imnut jistgħu jiġu inklużi fl-interessi ġenerali (soċjali u kulturali), imsemmija fid-Direttiva dwar is-Servizzi.

1.7

Il-KESE jitlob li l-intrapriżi jiġu stimolati biex jintegraw il-kummerċ onlajn u offlajn, li sal-lum f'ħafna każi għadhom għażliet alternattivi, anki fil-prospettiva li jiġu solvuti problemi li għandhom x'jaqsmu mal-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ/għeluq tal-ħwienet.

1.8

Il-konċentrazzjoni eċċessiva tad-distribuzzjoni kummerċjali toħloq diversi problemi, fosthom diffikultà oġġettiva biex tinħoloq kompetizzjoni ġenwina.

1.9

L-istess kif għamel f'Opinjoni preċedenti, il-KESE jipproponi li l-problema tal-abbuż fl-iffissar tal-prezzijiet tat-trasferiment, li jippermetti li l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet jiġu stabbiliti fi ħdan l-istess grupp ta' intrapriżi abbażi ta' parametri ta' valutazzjoni li jiddependu mill-esiġenzi fiskali tal-grupp ikkonċernat u mhux mill-kundizzjonijiet normali prevalenti fis-suq, tiġi indirizzata fil-livell Ewropew (1).

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li titkompla s-sostenibbiltà tal-kummerċ u t-tnaqqis tal-ħela anki billi jkun hemm preferenza għat-tixrid tas-sistema ta' bejgħ mingħajr imballaġġ, li tnaqqas l-imballaġġ li jżid fit-tniġġis.

1.11

Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-innovazzjonijiet u l-bidliet b'mod attiv, bl-istrumenti kollha li għandha peress li l-kompetizzjoni hija kundizzjoni tal-bidla u mhux element ta' attivazzjoni.

1.12

Għall-KESE huwa fundamentali li jkun hemm tqabbil bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi tal-ħaddiema u jemmen li l-involviment tal-intrapriżi m'għandux ikun limitat għall-kontenut tat-taħriġ iżda jkun anki permezz ta' investimenti mmirati.

1.13

Abbażi tal-esperjenza tal-"European Skills Council for commerce", il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwaqqfu korpi bilaterali bejn l-imsieħba soċjali għall-iżvilupp tat-taħriġ professjonali (tqabbil tal-kompetenzi, skemi ta' taħriġ, finanzjament, identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ, twettiq u feedback dwar it-taħriġ).

1.14

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi djalogu mal-partijiet interessati kollha sabiex jiġu definiti, fil-livell tal-UE, miżuri effikaċi għall-ġlieda kontra l-ekonomija informali u x-xogħol mhux iddikjarat. Jispera li jkun hemm rieda politika qawwija min-naħa tal-Istati Membri li l-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina permezz ta' sħubija msaħħa.

2.   It-twettiq ta' suq intern għad-distribuzzjoni kummerċjali

2.1

Sabiex jitwettaq is-suq intern tad-distribuzzjoni kummerċjali, fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi pjan direzzjonali ta' 5 prijoritajiet u 11-il azzjoni li jridu jitwettqu sal-2014. Il-Kummissjoni ser tkun responsabbli mill-monitoraġġ u fl-2015 ser tippreżenta rapport dwar il-progress miksub.

2.2

Fl-UE, id-distribuzzjoni kummerċjali għandha rwol essenzjali sabiex jiġi stimolat it-tkabbir, il-ħolqien ta' impjiegi u mudelli ta' konsum innovattivi u aktar sostenibbli. Is-settur jirrappreżenta 11 % tal-PDG u kważi 15 % tal-impjiegi, ekwivalenti għal madwar 36 miljun ta' impjegati f'iktar minn 6 miljun intrapriża, u għal 29 % tal-intrapriżi kollha, li minnhom persentaġġ għoli huwa SMEs u mikrointrapriżi.

2.3

Il-pjan juri kif id-distribuzzjoni kummerċjali hija dejjem aktar integrata mas-setturi ekonomiċi l-oħra u li d-distinzjoni bejniethom hija dejjem anqas evidenti. Juri kif jeżistu ostakli li jimpedixxu l-ħolqien ta' suq intern tad-distribuzzjoni kummerċjali effiċjenti, kompetittiv u integrat. Għaldaqstant jeħtieġ li jitjiebu l-kompetittività u l-produttività tas-settur u jissaħħu wkoll ir-riżultati ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, filwaqt li titqies id-diversità b'mod ġenerali u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi b'mod partikolari.

2.4

Il-KESE juri kif, minkejja l-proċess ta' modernizzazzjoni tas-settur f'dawn l-aħħar 20 sena, ħafna SMEs kummerċjali f'dan il-perjodu qed imutu, mhux biss minħabba raġunijiet marbuta mal-kompetizzjoni ikbar tal-prezzijiet u mat-tnaqqis tal-marġni ta' profitt, iżda wkoll minħabba l-kriżi ekonomika li ħolqot tnaqqis rilevanti fil-konsum u inklinazzjoni iktar dgħajfa lejn ix-xiri.

2.5

Il-kriżi finanzjarja, iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-esiġenza għal sostenibbiltà akbar u l-innovazzjoni teknoloġika (eż. pagamenti elettroniċi, "self scanning") qed ibiddlu ħafna l-proċessi u l-mudelli tan-negozju kemm tad-distribuzzjoni organizzata kbira kif ukoll tal-SMEs.

2.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf grupp permanenti għall-kompetittività tal-kummerċ bl-imnut (Stati Membri, partijiet interessati, SMEs) bil-għan li l-problemi tas-settur jitqiegħdu fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku Ewropew, jiġu individwati l-mezzi għall-iżvilupp, jiġi monitorjat il-progress imwettaq u jiġu formulati rakkomandazzjonijiet. Il-KESE jitlob biex il-partijiet soċjali Ewropej tas-settur (UNI-Europa Commerce u Eurocommerce), li ilhom minn tmiem is-snin 80 li niedu djalogu soċjali kostruttiv, ikunu jagħmlu parti minn dal-grupp, bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-SMEs.

2.7

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistimolaw u jiffavorixxu l-forom ekwi u bilanċjati kollha ta' kollaborazzjoni u assoċjazzjoni kummerċjali fost l-attivitajiet kummerċjali indipendenti u fost l-intrapriżi l-kbar tad-distribuzzjoni u dawk indipendenti fuq bażi kuntrattwali b'garanziji ċari u bilanċjati.

3.   Aktar drittijiet għall-konsumaturi (azzjonijiet 1 u 2)

3.1

Id-drittijiet huma drittijiet meta dawn jiġu eżerċitati għax ikunu magħrufa. L-informazzjoni mhijiex ekwivalenti għal konoxxenza, li hija l-ewwel dritt tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jixtru liberament għall-benessri u l-konvenjenza individwali jew kollettiva. Illum, ħafna mill-għażliet ta' xiri huma akkumpanjati minn kwantità oġġettivament vasta ta' informazzjoni disponibbli.

3.2

Attwalment waħda mill-akbar problemi tas-settur hija l-kummerċjalizzar tad-distribuzzjoni kbira li jibbaża kważi esklużivament fuq il-prezz tal-bejgħ għall-konsumatur u jittraskura r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. F'ħafna Stati Membri, ir-riżultat huwa tnaqqis fil-kwalità tal-prodotti alimentari, anki minħabba s-sostituzzjoni tal-ingredjenti naturali b'sustanzi ta' sostituzzjoni. Dan il-fenomenu jnaqqas l-għażla tal-konsumaturi, li ta' spiss ikunu lesti li jħallsu iktar għal prodott ta' kwalità iżda ma jsibuhx offrut.

3.3

L-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-prodotti jippermetti liċ-ċittadini jwettqu xiri infurmat, u jistimola l-provvista lejn il-kwalità, id-diversifikazzjoni u s-servizz. Iżda li jkollok iktar informazzjoni ma tfissirx awtomatikament li ser ikollok aktar għarfien; anzi, f'ħafna każijiet huwa proprju l-kuntrarju: meta jiffaċċja tant informazzjoni, ta' spiss il-konsumatur jagħżel li ma jaqrahiex, minħabba nuqqas ta' ħin u lingwaġġ wisq tekniku u ma tantx jinftiehem.

3.4

Apparti milli tħejji linji gwida dwar prattiki tajba u kodiċi ta' kondotta (azzjoni 1) (2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi strumenti effikaċi u vinkolanti sabiex il-produtturi u d-distributuri jagħmluha aktar faċli biex il-konsumaturi jsiru jafu dwar dawk il-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi u l-prezzijiet tagħhom li huma essenzjali għal skopijiet soċjali, ambjentali, territorjali u ekonomiċi oħra. Barra minn hekk, l-informazzjoni kollha meħtieġa għandha tkun disponibbli fil-qosor u b'mod li faċilment tinftiehem. B'hekk ikunu jistgħu jiddeċiedu liberament jekk jagħtux importanza lil waħda jew l-oħra minn dawn il-karatteristiċi u mhux jibbażaw biss fuq l-aspett kummerċjali.

3.5

Is-sistema tal-provvista tiġġenera ħafna għarfien utli għall-konsumatur sabiex iwettaq l-għażliet tiegħu, iżda tikkonċentra l-iktar fuq l-aspetti tal-prodott marbuta max-xiri u l-użu tal-bidu, u b'hekk tiffoka fuq is-sodisfazzjon inizjali u tittraskura l-fażijiet l-oħra tal-prodott (kemm jista' jiġi riċiklat l-imballaġġ, it-tul tal-prestazzjoni tal-prodott, jekk humiex disponibbli assistenza u spare parts, il-valur tiegħu meta eventwalment jerġa' jinbiegħ bħala użat, servizzi ta' wara x-xiri).

3.6

Barra milli tipproponi metodoloġiji għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-prodotti u l-organizzazzjonijiet (azzjoni 2) (3), tajjeb jekk il-Kummissjoni tieħu f'idejha l-kompitu li tissupplementa l-għarfien li bih il-konsumaturi jiffurmaw l-għażliet tagħhom dwar ix-xiri (4). B'hekk, l-implimentazzjoni tal-azzjoni għandha tipprovdi indikazzjonijiet ċari dwar:

kemm il-prodotti u l-imballaġġ tagħhom jista' jiġi riċiklat;

il-kwantità ta' imballaġġ verament meħtieġ (għal skopijiet ta' trasport, informazzjoni utli, preservazzjoni u iġene, konservazzjoni tul il-perjodu ta' użu) meta mqabbel mal-ammont kbir li jista' jiġi eliminat;

kemm is-setturi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni jikkonformaw mal-istandards tal-produzzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema;

il-faċiltà tal-aċċess għall-assistenza wara x-xiri.

3.7

Għaldaqstant il-KESE jipproponi li din l-azzjoni titwettaq b'mod effikaċi u realistiku għal protezzjoni akbar tal-konsumaturi kif ukoll tal-intrapriżi, partikolarment l-SMEs, sabiex ikun żgurat li jkunu jafu jimplimentawha fil-prattika.

4.   Aċċess għal servizzi tal-bejgħ bl-imnut aktar kompetittivi (azzjonijiet 3, 4 u 5)

4.1

Fil-projbizzjoni tal-impożizzjoni ta' konformità ta' ċerti rekwiżiti, id-Direttiva dwar is-Servizzi tispeċifika li "il-projbizzjoni ma għandhiex tikkonċerna rekwiżiti ta’ ippjanar li ma jsegwux għanijiet ekonomiċi iżda jservu raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu mal-interess pubbliku", u li "din id-direttiva ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li, fi qbil mar-regoli Komunitarji, jistabbilixxu liema servizzi jqisuhom ta' interess ekonomiku ġenerali". Fost ir-"raġunijiet aktar importanti li għandhom x'jaqsmu mal-interess pubbliku", id-Direttiva telenka b'mod ċar "il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali".

4.2

Hemm forom ta' kummerċ ta' bejgħ bl-imnut li huma karatteristiċi tal-kultura u tal-istili ta' ħajja lokali. Dawn il-forom – u dawn biss – għandhom ikunu jistgħu jikkompetu f'sistema ta' negozji simili, li tfittex li tikseb titjib kontinwu fil-kwalità u l-effiċjenza fl-interess tal-konsumaturi. L-esponiment ta' dawn l-attivitajiet kummerċjali għall-imġiba aggressiva min-naħa tal-organizzazzjonijiet kbar tista' twassal biex jitwettqu, fuq medja qasira ta' żmien, il-prinċipji tas-suq ħieles, iżda probabbilment din tirriżulta f'telfien ta' wirt kulturali u ta' stil ta' ħajja li diffiċli jerġgħu jiġu rkuprati, u b'hekk jiddgħajfu l-komunità u l-lokalità anki mil-lat ekonomiku.

4.3

Il-kompetizzjoni wasslet biex l-attivitajiet kummerċjali tal-bejgħ bl-imnut itejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom kif ukoll l-effiċjenza produttiva tagħhom. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn kompetizzjoni kostruttiva bejn intrapriżi simili, li tistimola r-riċerka għal titjib kontinwu tal-kwalità u l-effiċjenza fl-interess tal-konsumaturi, u forom oħra ta' kunflitt ekonomiku u kummerċjali bejn l-intrapriżi.

4.4

Għaldaqstant huwa importanti li żona jkollha kompetizzjoni kostruttiva fost l-intrapriżi tas-settur, indipendentament mid-daqs tagħhom, mhux bħala oppressjoni iżda kapaċità li intrapriża tkun ta' xprun għal oħra f'ċirku virtwuż. Dan ifisser servizzi aħjar, iktar diversifikazzjoni, strutturi aktar komdi, prezzijiet aktar vantaġġjużi, u identità tal-komunità lokali.

4.5

Fejn is-saħħa ekonomika tal-ktajjen il-kbar iddgħajjef il-ħwienet tradizzjonali, tajjeb li nagħrfu li dan huwa ta' ħsara għaliex ikisser wirt kulturali u stil ta' ħajja kif ukoll il-fibra lokali u territorjali ekonomika u soċjali li huma karatteristiċi ta' dak it-territorju u ta' dik il-komunità, li l-valur tagħhom, għaldaqstant, jittraxxendi s-sempliċi konvenjenza ta' għażla u prezzijiet għall-konsumatur.

4.6

Fir-rigward tal-azzjonijiet 3 u 4, il-Kummissjoni, b'konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, għandha tistimola l-Istati Membri biex jivvalutaw jekk u liema forom ta' kummerċ tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jwettqu dawk l-objettivi ta' politika soċjali u kulturali. Għaldaqstant għandha tistimola l-inklużjoni tal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut lokali, tradizzjonali u indipendenti fl-interessi ġenerali, fejn dan jiġi espress f'forom li huma l-espressjoni tat-territorju u jirnexxilu jinterpreta l-karatteristiċi tiegħu. Madankollu, jeħtieġ bix-xieraq li jiġi evitat li l-interessi lokali jkunu ppreżentati b'mod qarrieqi bħala interessi ġenerali tal-komunità, bħalma huma l-ambjent u l-użu tal-art. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tindika bl-aktar mod ċar liema huma l-interessi ġenerali aċċettabbli ta' territorju, saħansitra għandha tistaqsi kull reġjun/territorju biex huwa stess jistabbilixxi lista ta' tliet interessi prijoritarji f'ordni ta' importanza li għandha tintuża fil-valutazzjoni ta' stabbilimenti kummerċjali ġodda.

4.7

Il-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut onlajn ma jistax jissostitwixxi dak fiżiku, iżda ż-żewġ mudelli għandhom isibu forom ta' integrazzjoni, l-aktar minħabba li l-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut jaqdi funzjoni soċjali essenzjali, li mhuwiex biss il-forniment ta' prodotti u servizzi bl-iktar prezz baxx.

4.8

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri f'kollaborazzjoni mal-organizzizzjonijiet tal-SMEs, tistimola taħriġ tal-SMEs dwar l-integrazzjoni ta' tipi varji ta' bejgħ li jikkomplementaw ix-xiri tradizzjonali.

4.9

Il-potenzjal ta' żvilupp tal-kummerċ onlajn mhuwiex prevedibbli peress li jiddependi fuq kif ser jirregolawh is-swieq u l-istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tniedi u tiffaċilita kull azzjoni li ser tivvalorizza s-servizzi "non-sale", jiġifieri dawk li ma jwasslux direttament għal akkwist speċifiku, ipprovduti mill-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut offlajn.

4.10

Illum il-ħwienet qed joffru servizzi b'xejn lill-klijenti tagħhom (pereżempju l-vetrina tippermetti windowshopping), fejn l-ispiża ta' dawn jitħallas lura mill-marġni fuq il-bejgħ. Huwa għalhekk li l-produtturi ta' spiss jiskoraġġixxu x-xiri onlajn, u jimponu lill-klijent jixtri offlajn. Iktar konsumaturi qed jużaw taħlita taż-żewġ modi ta' xiri: xiri onlajn (iqabblu l-prodotti u l-prezzijiet) u xiri offlajn (imissu l-prodott b'idejhom, jippruvaw). Il-KESE jirrakkomanda li tiġi superata din il-kompetizzjoni bejn l-onlajn u l-offlajn billi jiffavorixx l-integrazzjoni u l-valorizzazzjoni tas-servizzi mwettqa fil-ħanut tradizzjonali, peress li x-xiri fiżiku jiġġenera relazzjonijiet soċjali u reali li ma jistgħux jiġu trasformati f'relazzjonijiet diġitali. Tinħtieġ integrazzjoni mhux sostituzzjoni.

4.11

Il-KESE juri li fil-livell tal-Istati Membri jeżisti leġislazzjonijiet differenti fil-qasam tal-ħinijiet ta' ftuħ/għeluq tan-negozji kummerċjali u tax-xogħol nhar ta' Ħadd u billejl. Barra minn hekk, dawn il-leġislazzjonijiet huma wkoll suġġett ta' diskussjonijiet f'ħafna mill-Istati, b'referenza għall-kompetizzjoni bejn l-intrapriżi indipendenti, l-SMEs u l-mikrointrapriżi u l-impatt fuq il-persunal. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex tegħleb dan l-ostaklu għall-kisba tas-suq uniku u l-mudell soċjali Ewropew, anki permezz tal-integrazzjoni tal-kummerċ onlajn/offlajn.

5.   Relazzjonijiet kummerċjali aktar korretti tul il-katina kollha ta' provvista bl-imnut (azzjoni 5)  (5).

5.1

Il-KESE jemmen li s-settur tad-distribuzzjoni kummerċjali huwa wieħed mill-aktar konċentrati. Fil-fatt, f'kull Stat Membru s-suq huwa kkontrollat minn tlieta sa ħames intrapriżi, ta' spiss ta' daqs multinazzjonali. Dan joħloq problema kbira fil-livell tal-kompetizzjoni peress li s-settur sar wisq b'saħħtu fir-rigward tal-fornituri li huma ħafna iktar numerużi.

6.   L-Iżvilupp ta’ Katina tal-Provvista Aktar Sostenibbli għall-Konsumaturi (azzjonijiet 6 u 7)

6.1

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni 6 maħsuba biex tappoġġja lid-distributuri bl-imnut fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet biex titnaqqas il-ħela fl-ikel (6) u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li fl-2013 tiġi adottata Komunikazzjoni dwar l-Ikel Sostenibbli.

6.2

Il-KESE jappoġġja l-azzjoni 7 tal-Kummissjoni maħsuba "biex jagħmlu katini tal-provvista aktar favur l-ambjent u sostenibbli" permezz ta' kull prattika għat-tnaqqis tal-enerġija użata u tal-produzzjoni ta' materjali li jniġġsu. Fir-rigward tal-materjali li jniġġsu, waħda mill-prattiki li l-KESE jissuġġerixxi li tiġi promossa hija mudell għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' konsum ġenerali bbażat fuq ix-xiri mingħajr imballaġġ, bħala alternattiva għall-prodotti bl-imballaġġ. Sabiex din l-azzjoni – maħsuba sabiex titnaqqas il-produzzjoni tal-imballaġġ li jispiċċa għar-rimi – titwettaq b'mod konkret, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkonsulta l-partijiet interessati kollha.

6.3

Din il-prattika tintuża fil-preżent f'kuntesti limitati u għal ftit prodotti, iżda din tista' tiġi estiża sew:

Tnaqqis fl-imballaġġ Jekk jużaw il-prodott minn dispenser, il-konsumaturi jkunu mħeġġa biex ma jixtrux kontenitur ġdid iżda jużaw mill-ġdid dak li diġà għandhom.

Sikurezza iġenika Dan id-dispenser ikun ta' protezzjoni aktar effikaċi għall-prodott peress li ma jkunx espost għall-manipolazzjoni minn dawk kollha li jmissuh imma ma jixtruhx.

Tnaqqis fil-ħela Ix-xiri ta' prodotti mingħajr imballaġġ jippermetti wkoll il-kejl tal-kwantità, u jiġi evitat ix-xiri ta' prodotti f'formati sproporzjonati għall-esiġenzi tal-individwu, li hija kawża prinċipali tal-ħela.

Komunikazzjoni aħjar għad-ditti Id-dispenser ġeneralment huwa kontenitur ikbar minn pakkett individwali, u l-wiċċ tiegħu jista' jintuża biex titqiegħed aktar informazzjoni meta mqabbel ma' tikketta iżgħar.

6.4

Dan il-mudell illum qed jintuża f'sitwazzjonijiet żgħar, pereżempju fil-bejgħ tal-ħalib frisk, filwaqt li pereżempju l-fjuwil għall-vetturi diġà huwa prodott distribwit fuq skala kbira ħafna bil-mudell mingħajr imballaġġ. Il-prodott innifsu mhuwiex proprjament ekoloġiku, iżda d-distribuzzjoni tiegħu ma tipproduċix gramma waħda ta' plastik u lanqas ħela.

6.5

Dan il-mudell ser jikkostitwixxi bidla fl-istruttura tal-postijiet tal-bejgħ li jrid ikollhom pajpijiet ta' riforniment mill-maħżen għall-ixkaffa jew għallinqas sistemi għall-mili tad-dispensers. Fiż-żewġ każijiet, l-ixkaffar mhux ser jibqa' statiku u ċass.

6.6

Sabiex ikollha possibbiltà reali ta' suċċess, din il-bidla fil-mudell għandha tiġi promossa mid-distributuri l-kbar li jiddistribwixxu l-maġġoranza tal-prodotti ta' konsum, peress li dawn għandhom il-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa biex iniedu dan il-proċess ta' trasformazzjoni kbira. F'dan il-kuntest anki l-SMEs għandu jkollhom rwol ewlieni.

6.7

Il-Kummissjoni tista' tgħin fit-tnedija ta' dan il-kambjament, billi tiddikjara l-valuri soċjali u ambjentali tiegħu u tuża l-istrumenti kollha – anki dawk ekonomiċi-finanzjarji – li għandha sabiex tippromovi u tiffaċilita inizjattivi u proġetti konkreti.

7.   Soluzzjonijiet aktar innovattivi (azzjonijiet 8, 9 u 10)

7.1

L-irkupru tal-ekonomija reali jiddependi wkoll fuq l-innovazzjoni (azzjoni 8) li s-settur ikun kapaċi jiżviluppa u huwa fundamentali li l-SMEs ikollhom aktar aċċess, u aktar faċilment, għall-krediti bankarji sabiex iniedu proġetti u attivitajiet innovattivi.

7.2

B'differenza minn kif żvolġew l-affarijiet fl-Istati Uniti, huwa essenzjali li l-investimenti tan-negozju fl-innovazzjoni jiġu kkombinati mal-protezzjoni tal-ħaddiema u l-kwalità tal-impjieg.

7.3

Il-Kummissjoni donnha qed tistenna dawn il-kambjamenti minn żieda fil-"kompetittività tas-settur tal-konsumaturi", peress li l-promozzjoni ta' din tidher bħala l-uniku għan tal-azzjonijiet proposti mill-Komunikazzjoni. Iżda filwaqt li n-nuqqas ta' kompetizzjoni huwa ostaklu għall-bidla, il-kompetizzjoni fiha nnifisha ma tiżgurax bidla.

7.4

Il-Kummissjoni, filwaqt li tapprezza li n-negozji kummerċjali huma "multiplikaturi tal-innovazzjoni", tagħraf li l-SMEs tal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut, peress li huma f'kuntatt aktar dirett mal-konsumaturi, jipperċepixxu aħjar l-esiġenzi ġodda u għaldaqstant – anki peress li huma aktar flessibbli mill-intrapriżi l-kbar – jirnexxilhom jadattaw aħjar il-provvista għad-domanda varjata u li tvarja ħafna.

7.5

Madankollu, uħud mill-bidliet fis-sistema jew mudell jeħtieġu kapaċità tal-ippjanar u – fuq kollox – saħħa kuntrattwali li jfisser li l-intrapriżi l-kbar ma jistgħux jitħallew barra. Il-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz biex fil-proċessi ta' innovazzjoni u tibdil tinkludi lill-intrapriżi kollha, dawk żgħar, medji u kbar.

7.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon bażi tad-data li tiġbor fiha r-regoli Ewropej u nazzjonali fir-rigward tat-tikkettar tal-prodotti tal-ikel (azzjoni 9) (7).

7.7

Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata integrazzjoni aħjar fis-suq tal-pagamenti bil-kards, bl-internet u bil-mowbajl (azzjoni 10) (8) u jispera li din ma ddumx ma tiġi mifruxa.

8.   Ambjent tax-xogħol aħjar (azzjoni 11)

8.1

It-tqabbil tal-kompetenzi huwa fundamentali għal żieda kwalitattiva tal-impjiegi (9) fis-settur, li ta' spiss jirrappreżenta l-ewwel opportunità ta' dħul jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u mhux dejjem u kullimkien qed jitqies bħala settur attraenti u interessanti fejn wieħed jista' jinvesti l-ħajja professjonali tiegħu.

8.2

Sabiex tiżdied il-kompetittività u l-produttività tal-kummerċ bl-imnut huwa fundamentali li jkun hemm korelazzjoni aktar mill-qrib bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi tal-impjegati (azzjoni 11) li għandhom jitqiegħdu fil-kundizzjoni li jtejbu l-prestazzjoni professjonali tagħhom, anki minħabba ż-żieda fil-livelli ta' awtomazzjoni.

8.3

Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali sabiex jittejbu l-politiki ta' taħriġ u ksib ta' kwalifiki mill-ġdid, anki permezz tal-Kunsill tal-UE dwar il-Ħiliet Settorjali.

8.4

Minkejja l-interventi ta' innovazzjoni teknoloġika, il-produttività tas-settur għadha pjuttost baxxa u l-SMEs isibu diffikultà biex jinvestu fit-teknoloġiji ġodda, fl-innovazzjoni u fit-taħriġ professjonali tal-impjegati tagħhom.

8.5

Madankollu, il-pjan ta' azzjoni ma jistax ma jqisx li, fl-ambitu tas-suq intern, is-settur huwa milqut minn dumping soċjali u konkorrenza inġusta fost l-intrapriżi kummerċjali, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Dan għaliex is-sistemi ta' relazzjonijiet industrijali u s-sistemi ta' negozjar kollettiv ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor u dan joħloq mudelli diversi ta' żvilupp u politiki differenti ta' investiment.

8.6

Fattur limitanti tal-analiżi huwa li din tirreferi biss għat-tqabbil bejn il-professjonalità mitluba u l-kompetenzi disponibbli u ma tqisx ukoll dawk il-problemi kollha li fil-preżent qed jimpedixxu l-ħolqien effettiv ta' suq intern Ewropew integrat u kompetittiv tas-settur, mil-lat ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, l-organizzazzjoni tax-xogħol, salarji baxxi, il-flessibbiltà, ix-xogħol mhux sigur u r-rata għolja ta' ħaddiema indipendenti foloz.

8.7

Il-komunikazzjoni tipproponi investiment fit-taħriġ li jkunu responsabbli għalih il-gvernijiet, l-individwi u s-sistema ta' edukazzjoni, filwaqt li tistieden lill-intrapriżi biex ikollhom rwol importanti fil-fażi ta' tħejjija tal-programmi l-ġodda ta' studju u ta' taħriġ, kif ukoll apprendistati. Il-KESE jemmen li l-involġiment tal-intrapriżi m'għandux ikun limitat biss li jiġu identifikati l-ħtiġijiet tat-taħriġ iżda għandhom jipparteċipaw b'mod attiv permezz ta' investiment immirat lejn il-kisba tal-kompetenzi mitluba (10).

8.8

Dawn l-investimenti pubbliċi u privati, integrati bejniethom, għandhom jgħinu mhux biss liż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol iżda wkoll lill-kategoriji li jsibu diffikultajiet kbar biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol (persuni li ilhom bla xogħol, ħaddiema anzjani, l-immigranti u l-persuni b'diżabbiltà). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema nisa li huma esposti ħafna għar-riskju ta' tkeċċija mix-xogħol minħabba proċessi ta' riorganizzazzjoni u li jsibu diffikultà kbira biex jikkonċiljaw ir-ritmi tal-ħajja ma' dawk tax-xogħol.

8.9

It-tqabbil tal-kompetenzi u t-tisħiħ tas-sħubijiet bejn l-iskola u l-intrapriża u t-taħriġ marbut mal-apprendistat mhux ser jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' mobbiltà tal-impjegati u t-tkabbir tal-produttività tas-settur jekk fl-istess ħin mhux ser nipproċedu għar-rikonoxximent fuq livell Ewropew tal-kwalifikazzjonijiet, it-taħriġ, l-apprendistati u l-kompetenzi miksuba.

8.10

Minkejja l-isforzi li jsiru fil-livell nazzjonali, ix-xogħol mhux dikjarat jibqa' problema gravi li tqiegħed lill-intrapriżi f'kompetizzjoni inġusta bejniethom fir-rigward tal-ispejjeż tax-xogħol. Il-ħaddiema li jaqgħu fl-ekonomija informali jibqgħu esklużi mhux biss mill-koperturi tas-saħħa u tal-welfare, iżda wkoll mill-possibbiltà li jaċċedu għat-taħriġ u l-apprendistati li ovvjament ser ikollu impatt ħażin fuq l-opportunitajiet tagħhom li jiksbu kompetenzi u professjonalità.

8.11

Għaldaqstant hija pożittiva l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi djalogu mal-partijiet interessati kollha sabiex jiġi valutat l-impatt tal-ekonomija informali fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiġu definiti fil-livell tal-UE miżuri effikaċi kontra dan. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-inizjattiva ser tkun ħafna iktar effikaċi fl-Istati Membri li ser jinvestu rieda politika qawwija f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina permezz ta' sħubija msaħħa.

8.12

Il-KESE jemmen li jkun essenzjali li l-miżuri għall-kontra x-xogħol mhux dikjarat u infurmali isiru tema ta' konfront kostanti bejn l-imsieħba soċjali tas-settur fl-ambitu tad-djalogu soċjali Ewropew (11).

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar "Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji", punti 3.25 u 3.26, ĠU C 229, 31.07.2012, p. 7

(2)  Ir-rapport dwar "Comparison Tools" ġie ppreżentat waqt is-Summit Ewropew tal-Konsumaturi fit-18 ta' Marzu 2013.

(3)  "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi" adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' April 2013.

(4)  Eżempji ta' informazzjoni li saret għarfien: il-post ta' oriġini tal-laħam u l-industrija tal-laħam; il-kopertura reġjonali tas-sinjal tat-telefonija bil-mowbajl; is-settur taż-0 km fl-industrija agroalimentari.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar "Prattiki kummerċjali inġusti / katina tal-provvista" (Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar "Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel", relatur is-Sur Somville, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 46.

(7)  ĠU C 198, 10.07.2013, p. 77 u ĠU C 204, 09.08.2008, p. 47.

(8)  GU C 351, 15.11.2012, p. 52.

(9)  32 % tal-impjegati mhumiex kwalifikati, jew huma kwalifikati parzjalment, meta mqabbla mal-medja ta' 27 %; 15 % tal-impjegati fis-settur għandhom inqas minn 24 sena, meta mqabbla mal-medja ta' 9 %; 60 % tal-impjegati huma nisa.

(10)  F'ċerti pajjiżi, bħal pereżempju l-Italja u Franza, ġew żviluppati esperjenzi sinifikanti permezz tal-fondi interprofessjonali għat-taħriġ fil-kuntest ta' korpi bilaterali jew kummissjonijiet konġunti.

(11)  Opinjoni konġunta bejn l-UNI-Europa Commerce u l-Eurocommerce tal-24 ta' April 2012.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa”

COM(2013) 37 final

2013/C 327/06

Relatur: is-Sur ŠARMÍR

Nhar it-18 ta' Marzu 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa

COM(2013) 37 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jieħu nota tal-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' dan il-Green Paper u jaħseb li jirrifletti bidla pożittiva u ċara fl-approċċ tal-Kummissjoni għal prattiki kummerċjali inġusti (UTPs).

1.2

Il-KESE jqis l-użu ta' prattiki kummerċjali inġusti bħala mhux biss "inġusti" jew "mhux etiċi" iżda wkoll li jmorru kontra l-prinċipji legali fundamentali u kontra l-interess tal-provvista u d-domanda. Peress li dan ifisser, bħala fatt, l-abbuż ta' pożizzjoni fis-suq aktar b'saħħitha b'mod sinifikanti, nirrakkomandaw l-użu tat-terminu "prattiki kummerċjali abbużivi", li jintuża ta' spiss bil-Franċiż u bl-Ingliż, pereżempju.

1.3

Il-Kumitat iqis li fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-wisgħa u l-profondità attwali tal-prattiki kummerċjali inġusti huma r-riżultat tal-fużjonijiet u l-akkwisti li saru f'dawn id-deċennji reċenti.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel mhumiex ċari l-approċċi proposti mhux suffiċjenti sabiex tiġi solvuta l-problema ta' prattiki inġusti. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ b'aktar inizjattivi.

1.5

Filwaqt li l-KESE ma jiddubitax li prattiki inġusti jistgħu jintużaw fi kwalunkwe tip ta' relazzjoni kuntrattwali, huwa konvint li s-sitwazzjoni hija partikularment gravi fir-rigward tan-negozju mas-supermarkets fuq naħa, u l-SMEs tal-biedja u tal-ikel min-naħa l-oħra. Hawnhekk hawn tipi u gradi differenti ta' abbuż li ma jidhru mkien ieħor.

1.6

Il-KESE huwa partikolarment kuntent li l-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha b'mod espliċitu fil-Green Paper fir-rigward tal-eżistenza ta' libertà kuntrattwali vera u proprja fejn relazzjonijiet huma inugwali ħafna, u b'hekk taqbel mal-fehma tal-KESE.

1.7

Il-Kumitat jaħseb li l-Green Paper tal-Kummissjoni jaqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' prattiki kummerċjali inġusti. Madankollu, huwa tal-fehma soda li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjoni uniformi tal-UTPs simili għal dik diġà stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE, peress li l-prattiki msemmija fil-Green Paper jixbhu xi ftit "prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni" (1).

1.8

Il-UTPs huma iktar importanti fi ħdan "klima ta' biża'" fejn il-parti kontraenti l-iktar dgħajfa tibża' li titlef in-negozju tal-parti b'saħħitha. Hemm ukoll fost l-oħrajn il-każ fejn il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar jagħmlu pressjoni inġusta fuq il-fornituri tagħhom u/jew jgħaddu prezzijiet għoljin wisq lill-bejjiegħa bl-imnut u għalhekk lill-konsumaturi.

1.9

Fil-fehma tal-KESE, il-konsegwenzi ta' prattiki kummerċjali inġusti m'humiex ristretti għal relazzjonijiet bejn negozju u ieħor; u lanqas ma jaffettwaw biss il-partijiet kontraenti l-iktar dgħajfa. Il-konsumaturi huma vittmi wkoll, kif ukoll l-interessi ekonomiċi nazzjonali – dan il-fatt ma jiġix enfasizzat biżżejjed fil-Green Paper.

1.10

Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa trasparenza ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati.

1.11

Għalkemm il-KESE m'għandux għalfejn jaħseb li l-adozzjoni ta' dawn il-liġijiet mill-Istati Membri xxekkel il-moviment ħieles ta' prodotti fl-UE, jista' jkun li jkun hemm xi restrizzjonijiet. Madankollu, l-ebda minn dawn il-liġijiet hija protezzjonista min-natura tagħha, u kollha japplikaw b'mod ugwali għan-negozji domestiċi u għal dawk minn Stati Membri oħra.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda li kwalunkwe ħsieb dwar kif għandha tiġi indirizzata l-problema tal-UTPs għandu jibda min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali f'uħud mir-relazzjonijiet.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li kull proposta fil-ġejjieni biex jiġu regolati r-relazzjonijiet kummerċjali mhux ugwali tqis ukoll il-"fattur tal-biża'". Għandha tiżgura l-bilanċ meħtieġ bejn il-partijiet sabiex ikun jista' jkollhom relazzjoni ġusta. Għal din ir-raġuni, l-għan ewlieni tar-regolazzjoni tal-UTPs ma jistax ikun biss li tiġi protetta l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, iżda wkoll l-interess ekonomiku nazzjonali. Dan ifisser, pereżempju, li l-fornituri tal-ikel affettwati ma jkollhomx jieħdu sehem attiv fil-proċeduri amministrattivi u legali.

1.14

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropa biex tipproponi leġislazzjoni li tipprojbixxi l-UTPs. Din għandha tkun ibbażata fuq lista indikattiva tal-prattiki l-iżjed tipiċi li jużaw il-partijiet kontraenti l-iżjed b'saħħithom u maħsuba biex jittrasferixxu l-ispejjeż u r-riskji normali tagħhom għall-parti l-iktar dgħajfa.

1.15

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex taħdem mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali sabiex ifasslu, abbażi tal-esperjenza konkreta mġarrba tul id-deċennji li għaddew, reviżjoni radikali tar-regoli tal-kompetizzjoni attwali – u evidentement skaduti – sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta bbażata wkoll fuq skambju ġust ta' informazzjoni rilevanti f'dan il-qasam biex jirrifletti l-pożizzjonijiet dominanti reali.

2.   Daħla

2.1

Il-Green Paper joħloq distinzjoni bejn il-katini tal-provvista/distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, li hija totalment ġustifikata peress li tal-ewwel għandha l-aspetti partikolari tagħha meta mqabbla ma' oħrajn.

2.2

Saret konsolidazzjoni sostanzjali fost il-kumpaniji li jagħmlu parti mill-katini ta' provvista/distribuzzjoni tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, li wasslet għall-ħolqien ta' entitajiet li huma vera u proprja oligarkiji. Safejn huma kkonċernati l-katini ta' provvista/distribuzzjoni tal-ikel, dan huwa partikolarment vera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, xi ftit inqas fl-industrija tal-ipproċessar, u l-inqas fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli. Dan irriżulta fi żbilanċji kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel, peress li l-oligopolji għandhom saħħa ta' negozjar enormi ħdejn l-imsieħba kummerċjali tagħhom, li huma ħafna iżjed ifframmentati.

2.3

Il-KESE huwa konvint li l-iżbilanċji strutturali li ħarġu fid-dieher iwasslu biex jintużaw l-UTPs f'xi każijiet u li dawn il-prattiki ta' sikwit ma jmorrux biss kontra l-ġustizzja, l-onestà u l-etika, iżda wkoll kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi.

2.4

Il-Green Paper huwa żbaljat meta jgħid li l-UTPs ġew diskussi l-ewwel darba fil-livell tal-UE biss fl-2009. Din hija s-sena fejn dehru l-ewwel darba fuq l-aġenda uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Anke lura fl-2005, madankollu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien ħareġ opinjoni importanti (2) li – fi żmien meta l-kwistjoni tal-UTPs kienet għadha tabu – enfasizzat u kkritikat għadd ta' aspetti negattivi tal-imġieba tal-katini tal-bejgħ bl-imnut. Wieħed għandu jsemmi wkoll ir-rwol importanti li qdiet id-dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż tal-poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (3) fl-2007, fejn il-Kummissjoni Ewropea ssejħet b'mod dirett biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa s-sitwazzjoni.

2.5

Fil-fehma tal-KESE, ir-riżultati s'issa tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina ta' Provvista tal-Ikel huma xi ftit inċerti, peress li l-qafas propost għall-implimentazzjoni tal-prattika tajba ma wassalx għal ftehim dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-UTPs, kwistjoni li dwarha tliet Kummissarji esprimew id-dispjaċir tagħhom (4).

2.6

Ir-rapport tan-Netwerk tal-Kompetizzjoni Ewropew (ECN) jikkonferma li l-użu tal-UTPs huwa realtà, speċjalment fis-settur tal-ikel. Dan jaqbel mal-konvinzjoni tal-KESE li l-abbuż ta' pożizzjoni ekonomika iktar b'saħħitha mis-supermarkets fir-rigward tal-SMEs li huma produtturi u proċessuri tal-ikel huwa ħafna iżjed gravi milli huwa f'relazzjoni kuntrattwali oħrajn. Prova oħra ta' dan hija l-fatt li għal bosta snin kienu biss il-fornituri tal-ikel lill-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut li lmentaw, u ħadd iżjed.

2.7

Il-KESE jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-UTPs jagħmlu ħsara lill-ekonomija tal-UE u mhux biss lir-relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ intrapriżi.

3.   Definizzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.1   Il-kunċett ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.1.1

S'issa ħadd ma tefa' d-dubju b'mod uffiċjali fuq l-eżistenza tal-libertà kuntrattwali fir-relazzjonijiet kummerċjali - lanqas bejn is-supermarkets u l-SMEs li jipproduċu l-ikel. Sa reċentement, din il-libertà kienet wieħed mill-argumenti ewlenin mhux biss tas-supermarkets iżda wkoll tal-awtoritajiet pubbliċi kontra r-regolazzjoni tal-UTPs, li allegatament kienet se xxekkel din il-libertà. Il-KESE jaħseb li huwa sinifikanti ħafna li l-Green Paper abbanduna din il-pożizzjoni u jirrikonoxxi b'mod espliċitu li ma teżisti l-ebda libertà kuntrattwali meta jkun hemm inugwaljanza ċara fis-saħħa ekonomika bejn żewġ partijiet kontraenti.

3.1.2

Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dan l-għarfien tan-nuqqas ta' libertà kuntrattwali huwa l-prerekwiżit fundamentali biex jinstabu soluzzjonijiet b'mod effettiv għall-problemi li jinħolqu min żbilanċji eżistenti fin-netwerk tal-provvista/distribuzzjoni, fuq kollox fil-każ tal-ikel.

3.1.3

F'din it-taqsima tal-Green Paper il-Kummissjoni Ewropea taqbad b'mod tajjeb ħafna l-essenza u t-tipi ewlenin ta' UTPs. F'relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-fornituri tal-ikel b'mod partikolari, il-parti l-iżjed dgħajfa m'għandhiex għażla alternattiva, peress li huma ftit ħafna l-klijenti ewlenin fis-suq, u iżjed importanti, kollha jittrattaw il-fornituri b'mod simili ħafna.

3.1.4

Diversi eżempji ta' UTPs imsemmija fil-Green Paper joħorġu fid-dieher li xi xerrejja ma joqogħdux lura milli jużaw kwalunkwe mezz possibbli biex jiksbu benefiċċji żejda u kompletament mhux mistħoqqa bi ħsara għall-parti l-oħra. Forma ta' pagament partikolari hija għal servizzi fittizji jew servizzi li ma ntalbux u li m'għandhomx l-ebda valur għall-parti l-oħra.

3.1.5

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 1: Il-KESE jaħseb li l-Green Paper għandu joffri definizzjoni tal-UTPs simili għal dik li diġà ngħatat fid-Direttiva 2005/29/KE. Madankollu, jaqbel mal-elementi u l-parametri li, skont il-Green Paper, huma l-karatteristiċi ewlenin ta' sitwazzjonijiet bil-UTPs.

Mistoqsija 3: Il-kunċett tal-UTPs m'għandux ikun limitat għal negozjati kuntrattwali, iżda għandu jkopri t-tul kollu tar-relazzjoni kummerċjali.

Mistoqsija 4: Fit-teorija, il-UTPs jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista/distribuzzjoni, iżda jistgħu jseħħu biss fil-forma li qed tiġi diskussa f'relazzjonijiet bejn supermarkets u SMEs li huma produtturi u proċessuri tal-ikel. M'hemmx indikazzjoni, pereżempju, li kumpaniji multinazzjonali tal-ikel, li huma wkoll oligopolji, jitolbu lill-fornituri tagħhom għal miżati għal listi jew ħlas għal servizzi fittizji. Madankollu, jridu jissemmew ukoll każijiet fejn kumpaniji multinazzjonali tal-ikel jagħmlu mod li l-provvista tal-prodotti (mixtieqa) tagħhom tkun fuq il-kundizzjoni li prodotti simili ma jinkisbux mill-kompetituri tagħhom.

Mistoqsija 5: Il-fattur tal-biża' huwa realtà familjari, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet bejn il-katini tal-bejgħ bl-imnut u l-SMEs li huma produtturi tal-ikel. Din il-biża' ġejja mit-theddida espliċita jew impliċita li l-kummerċ mal-fornitur jitwaqqaf u b'hekk jinħolqu diffikultajiet ekonomiċi serji b'konsegwenza għall-fornitur. Kwalunkwe sforz biex jiġu regolati l-UTPs irid iqis il-fattur tal-biża', għaliex dan jgħawweġ kull aspettattiva li l-fornitur se jilmenta, jew jagħti evidenza, fil-każ ta' proċeduri amministrattivi jew legali.

3.2   Eżempji ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.2.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea hawnhekk qed tuża informazzjoni minn għadd ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. Barra minn dawk imsemmija, nirrakkomandaw b'mod partikolari l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Franċiżu u Ċeki, li għandhom esperjenza diretta fl-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-UTPs. Huma u jwettqu l-ispezzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet dwar il-liġi kontra l-monopolji għandhom id-dritt li jeżaminaw id-dokumenti tal-kontabilità (kuntratti, fatturi, dikjarazzjonijiet bankarji, eċċ.) li jistgħu jagħtu prova diretta tal-użu ta' UTPs.

3.2.2

Dawn l-eżempji mogħtija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, ta' Spanja u tal-Irlanda juru li huwa żball li wieħed jirriferi għal ħafna mill-prattiki li jintużaw biss bħala "mhux etiċi", peress li huwa ċar li jmorru lil hinn mil-legalità (b'mod speċjali fejn huma involuti "ibbulljar u intimidazzjoni").

3.3   Effetti potenzjali ta' prattiki kummerċjali inġusti

3.3.1

M'hemmx dubji dwar l-impatt negattiv tal-użu mill-parti l-iżjed b'saħħitha tal-UTPs kontra l-parti l-iktar dgħajfa, u s-soffokar tal-investiment u tal-innovazzjoni fil-produzzjoni huwa l-konsegwenza loġika ta' dan. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-impatt fuq il-konsumaturi ma jintweriex b'mod adegwat, peress li jfisser ħafna iżjed minn sempliċiment li l-innovazzjoni tixxekkel. Minkejja dan, din it-taqsima tinjora għal kollox it-theddida għall-interessi ekonomiċi nazzjonali, li tissemma xi ftit qabel fil-Green Paper. Din it-theddida tidher l-iżjed fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, fejn is-supermarkets huma kompletament f'idejn l-intrapriżi minn Stati Membri oħra. Meta wieħed iqis li produtturi domestiċi - il-maġġoranza kbira tagħhom SMEs - mhumiex kapaċi jlaħħqu ma' kondizzjonijiet li ta' spiss isarrfu f'estorsjoni vera u proprja, is-settur agroalimentari kollu f'dan ir-reġjun qed jikkollassa u pajjiżi li tradizzjonalment kienu awtosuffiċjenti fil-produzzjoni tal-ikel ewlieni tagħhom fil-biċċa l-kbira tagħhom tilfu s-sigurtà tal-ikel tagħhom. B'hekk importazzjonijiet li ta' sikwit huma ta' kwalità dubjuża qed jieħdu post il-produzzjoni domestika.

3.3.2

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 6: Il-UTPs jintużaw bħala rutina fis-settur tal-ikel, b'mod speċjali mis-supermarkets, fir-relazzjonijiet kummerċjali ta' kuljum.

Mistoqsija 7: Il-fornituri ta' komoditajiet barra minn prodotti tal-ikel evidentement huma vittmi tal-UTPs mill-katini tal-bejgħ bl-imnut, iżda mhux sal-istess punt. Dan huwa minħabba li huma inqas dipendenti fuq netwerks kbar tal-bejgħ bl-imnut, peress li l-fornituri tal-ġugarelli, tal-prodotti tal-isports jew ħwejjeġ, pereżempju, għandhom firxi ħafna ikbar ta' xerrejja potenzjali milli għandhom il-produtturi tal-ikel. Il-prattiki kummerċjali inġusti jinsabu fil-kummerċ tas-settur tal-bejgħ bl-imnut kemm alimentari kif ukoll dak mhux alimentari, u peress li jindikaw l-istess problema bħal dik deskritta fl-opinjoni dwar il-katina tat-twassil tal-ikel, insibu l-istess relazzjoni żbilanċjata bejn parti b'saħħitha (min jagħti l-franchise/ktajjeb) u ħafna partijiet dgħajfa (min jieħu l-franchise) u fejn b'konsegwenza t'hekk japplika l-istess prinċipju ta' nuqqas ta' libertà fin-negozjar tal-kuntratti (ta' negozju). Min jieħu l-franchise jiffirma kuntratt inizjali bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn min jagħti l-franchise u m'għandu l-ebda għażla jekk irid jieħu l-kuntratt. Il-kummenti li saru dwar il-fattur tal-ansjetà, u l-ispejjeż tad-distribuzzjoni (min jagħti l-franchise) li jiġu trasferiti lill-fornituri (min jieħu l-franchise) mingħajr kumpens/valur ogħla għal min jieħu l-franchise, japplikaw hawnhekk ukoll. Matul it-twettiq tal-kuntratt, min jagħti l-franchise ħafna drabi jagħmel tibdil unilaterali għall-ftehim li jkun sar permezz ta' "struzzjonijiet", u għalhekk ma jkunux parti mill-kuntratt.

Mistoqsija 8: Il-UTPs għandhom impatt kbir fuq il-kapaċità tal-SMEs tal-biedja u tal-ikel biex jinvestu u jinnovaw. L-investiment biex jiġu protetti aspetti ta' interess pubbliku - bħall-ambjent, il-kondizzjonijiet ta' xogħol, il-benessri tal-annimali u l-klima - huwa inqas minħabba d-dipendenza fuq għadd żgħar ta' xerrejja u l-inċertezza li tinħoloq minn din is-sitwazzjoni.

Mistoqsija 9: L-impatt tal-UTPs fir-relazzjonijiet bejn intrapriża u oħra fuq il-konsumaturi huwa analizzat fid-dettall fi studju speċifku (5). Is-sistema attwali hija ta' ħsara għall-konsumaturi, b'mod partikolari fuq medda twila ta' żmien, peress li l-investiment ma jinkludix il-produzzjoni sostenibbli u l-innovazzjoni. Fuq medda twila ta' żmien, huma telliefa wkoll minħabba l-falliment tas-suq f'oqsma bħall-ambjent, il-klima, il-kondizzjonijiet ta' xogħol u l-benessri tal-annimali. Fl-interessi tal-ġlieda kontra dan, għalina jidher li huwa iżjed aċċettabbli li l-konsumaturi jħallsu ftit iżjed issa għall-ikel, peress li l-kompetizzjoni bejn il-katini tal-bejgħ bl-imnut bħalissa hija msejsa biss fuq l-inqas prezz possibbli għall-konsumatur, u kollox jiġi sagrifikat għalih.

Mistoqsija 10: M'hemmx dubju li l-UTPs għandhom effett negattiv fuq kif jopera s-suq uniku, peress li jirrestrinġu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet għal operaturi żgħar u ta' daqs medju li jħallu l-marka tagħhom. Fil-fatt, il-bejjiegħa bl-imnut jiddeċiedu x'jista' jinbiegħ fejn, u f'ħafna każijiet il-kriterju mhuwiex l-aħjar valur għall-flus, iżda "rieda" jew "kapaċità" ikbar li jiġu aċċettati l-UTPs.

4.   Oqfsa legali dwar prattiki kummerċjali inġusti

4.1

Żewġ fatti joħorġu fid-dieher minn analiżi tal-oqfsa legali attwali fil-livell tal-Istati Membru u tal-UE. L-ewwel nett l-użu tal-UTPs minn xi atturi ekonomiċi b'saħħithom issa jafu kulħadd u huwa fatt, u l-awtoritajiet adatti f'diversi Stati Membri kkonkludew li s-sitwazzjoni attwali titlob għal regolazzjoni.

4.2

L-estent attwali tal-UTPs, b'mod speċjali f'relazzjonijiet bejn katini kbar tal-bejgħ bl-imnut u l-produtturi tal-ikel joħroġ fid-dieher l-ewwel nett li l-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni hija skaduta. Xi tipi ta' UTP jenfasizzaw id-distorsjoni gravi tal-ambjent kompetittiv u l-eżistenza ta' pożizzjonijiet tabilħaqq dominanti li l-leġislazzjoni attwali dwar il-monopolji tonqos milli tindirizza.

4.3

Barra mir-reviżjoni għal-leġislazzjoni dwar il-kompetizzjoni, il-KESE jaħseb li huwa kompletament leġittimu li jiġi pprojbit fil-livell tal-UE l-użu ta' ċerti UTPs definiti u b'hekk tinħoloq l-armonizzazzjoni meħtieġa ta' ambjent legali fejn hemm ħafna differenzi. Madankollu, irid ikun hemm rabta loġika bejn ir-regolazzjonit al-UTPs u l-leġislazzjoni riveduta dwar il-monopolji sabiex jiġi żgurat li huma biss l-inizjaturi loġiċi ta' kuntratti mal-UTPs - jiġifieri l-partijiet f'pożizzjoni dominanti - li jiġu sanzjonati.

4.4

Sabiex tkun effettiva, din ir-regolazzjoni armonizzata trid tqis "it-theddida tat-tneħħija mil-lista" u b'hekk in-nuqqas ta' kapaċità tal-partijiet kontraenti iktar dgħajfa, b'mod speċjali l-SMEs li huma fornituri lis-supermarkets, biex jilmentaw; trid tkun konċepita biex tagħmel iktar minn sempliċiment tindirizza l-problemi fir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi.

4.5

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 11: Ir-regolazzjoni tal-UTPs li ġiet adottata f'xi Stati Membri s'issa ma wasslitx għal riżultati sodisfaċenti. Ir-raġuni għal dan, fil-fehma tal-KESE, hija parzjalment minħabba li l-biċċa l-kbira ta' din ir-regolazzjoni ġiet adottata biss relattivament reċenti (fl-Italja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Rumanija), iżda wkoll minħabba li l-premessa legali warajha ma tistrieħx espliċitament fuq in-nuqqas ta' libertà kuntrattwali, għakemm ir-rikonoxximent fih innifsu li l-UTPs qed jintużaw jimplika li l-affarijiet mhumiex mexjin sew safejn hija kkonċernata l-libertà kuntrattwali. Ikun ħażin, madankollu, li wieħed jgħid li dawn il-liġijiet ma kisbu xejn. Fil-pajjiżi fejn ġew adottati, il-kondizzjonijiet kuntrattwali l-iżjed barra min-normal m'għadhomx jiġu imposti u s-supermarkets iridu jużaw metodi iktar sofistikati jekk jixtieq jiggwadanjaw vantaġġi li għalihom mhumiex intitolati. L-ikbar progess sar fi Franza fejn il-pressjoni tal-leġislazzjoni u tal-azzjoni ta' infurzar naqqset ir-ribass lill-fornituri għal livell aċċettabbli (10 għal 15 % minflok 50 sa 60 % fil-passat) (6). Ir-riżultat ta' dan huwa ħafna iżjed trasparenza fid-distribuzzjoni ta' benefiċċji fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Mistoqsija 12: Kemm huwa urġenti li tiġi adottata liġi ddedikata jiddipendi, fost oħrajn, fuq l-iskala tal-użu tal-UTPs, iżda din tvarja minn pajjiż għal ieħor. Hemm sitwazzjonijiet differenti fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll fit-Tramuntana tal-Ewropa. Kull reġjun għandu wkoll kultura u tradizzjoni legali kemm xejn differenti minn reġjuni oħra. Huwa għalhekk li xi pajjiżi diġà għandhom qafas regolatorju (jew awtoregolatorju) filwaqt li oħrajn m'għandhomx.

Mistoqsija 14: Il-KESE huwa konvint li l-mizuri ta' armonizzazzjoni ġodda għandhom jiġu adottati fil-livell tal-UE (ara l-punti 4.2, 4.3 u 4.4. hawn fuq).

Mistoqsija 15: Diġà huwa apparenti ċertu effett pożittiv tar-regolazzjoni (ara hawn fuq). Hemm xi tħassib dwar l-introduzzjoni tar-regolazzjoni f'dan il-qasam, iżda dan jinvolvi l-assunzjoni ta' libertà kuntrattwali. Peress li fir-realtà din ma teżistix fir-relazzjonijiet kuntrattwali kkonċernati, dan it-tħassib huwa bla bażi.

5.   Infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali inġusti

5.1   Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell nazzjonali

5.1.1

Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li l-mekkaniżmi li qed jiġu implimentati bħalissa fil-livell nazzjonali kontra l-UTPs ġeneralment mhumiex adegwati. Dan huwa l-iżjed minħabba li jonqsu milli jqisu ċerta klima ta' biża' li tinħoloq min-nuqqas ta' libertà kuntrattwali reali u t-theddida li titneħħa mil-lista. Dawn il-problemi s'issa ġew indirizzati bl-aħjar mod fi Franza, fejn l-awtorità superviżorja tista' taġixxa abbażi ta' informazzjoni mhux uffiċjali u fuq inizjattiva proprja tagħha. Is-suppressjoni tal-UTPs hija bbażata wkoll fuq il-protezzjoni tal-interess ekonomiku nazzjonali u mhux fuq il-ħarsien tal-parti kontraenti l-iktar dgħajfa.

5.1.2

Filwaqt li xi Stati Membri għandhom liġijiet li jiġġieldu kontra l-użu ta' prattiki kuntrattwali inġusti, oħrajn m'għandhomx. Barra minn hekk, hemm differenzi sinifikattivi bejn liġi individwali. M'hemmx dubju li dawn iż-żewġ fatti jikkostitwixxu ċertu xkiel għall-kummerċ transkonfinali (mistoqsija 16).

5.1.3

Fil-fehma tal-KESE, l-uniku approċċ komuni li jagħmel sens biex jiġi indirizzat l-impatt negattiv ta' differenzi fil-leġislazzjoni applikabbli jkun li tiġi adottata leġislazzjoni armonizzata li timmira lejn l-użu tal-UTPs (mistoqsija 17).

5.2   Mekkaniżmi ta' infurzar fil-livell tal-UE

5.2.1

Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li bħalissa m'hemm l-ebda mekkaniżmu speċifiku fil-livell tal-UE sabiex jiġu miġġielda l-UTPs. Huwa konvint ukoll tal-bżonn – jekk se jingħeleb il-fattur tal-biża' – li l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam jingħataw is-setgħat biex jaġixxu fuq inizjattiva proprja tagħhom, li jirċievu ilmenti anonimi jew mhux uffiċjali u jimponu sanzjonijiet (mistoqsija 18).

6.   Tipi ta' prattiki kummerċjali inġusti

6.1

Il-KESE jaqbel li l-UTPs iseħħu matul il-katina ta' provvista alimentari u mhux alimentari, iżda huwa konvint – f'konformità ma' dak li ntqal hawn fuq – li s-sitwazzjoni tilħaq l-agħar tagħha fir-relazzjonijiet bejn is-supermarkets u l-SMEs li huma produtturi.

6.2

Fejn il-lista hija kkonċernata, mhuwiex ċar x'qed jiġi kkunsidrat għall-miżata li l-fornitur potenzjali jrid iħallas. Fil-maġġoranza kbira tal-każi, anke l-ħlas ta' din il-miżata – li hija kondizzjoni preliminarja u neċessarja ta' kull għamla ta' relazzjoni kummerċjali – ma jagħtix lill-fornitur xi garanzija li x-xerrej se jieħu l-prodotti inkwistjoni u li mhuwiex, għall-ebda raġuni, se jaqtgħu mil-lista.

6.3

Ribassi għall-fornituri huma parti li saret rutina tal-prattika attwali tal-katini l-kbar tal-bejgħ bl-imnut. Il-KESE jaħseb li mill-inqas il-benefiċċju ġenerali tagħhom huwa dubjuż. Minn naħa, ir-ribassi għall-fornituri huma simbolu tal-abbuż ta' pożizzjoni dominanti reali, peress li ta' sikwit jaħbu warajhom servizzi mhux mitluba u fittizji; min-naħa l-oħra, joħolqu nuqqas sinifikanti ta' trasparenza fir-rigward id-distribuzzjoni tal-benefiċċji. L-eżistenza ta' ribassi għall-fornituri jfisser li l-fornituri (u osservaturi minn barra) jsibuha diffiċli ħafna jaċċertaw kemm fil-fatt ħallsu għall-prodotti forniti. Fir-realtà, l-ordni biex jiġu forniti prodotti hija bil-kondizzjoni li jiġu aċċettati s-servizzi offruti mix-xerrej. Fil-fehma tal-KESE, miżati għal servizzi reali u ġustifikati pprovduti mix-xerrej lill-fornitur għandhom jiġu inklużi fil-prezz tax-xiri tal-ikel.

6.4

Dawn huma t-tweġibiet tal-KESE għall-mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper:

Mistoqsija 19: Aħna konna nżidu mal-lista tal-UTPs il-ħlas għal servizzi fittizji u mhux mitluba, pagamenti wisq għoljin għal servizzi li jiġu pprovduti u t-trasferiment lill-fornitur tar-riskju kummerċjali u l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq.

Mistoqsija 20: Lista ta' UTPs hija prerekwiżit sabiex jiġu miġġielda dawn il-prattiki. Naturalment, din trid tkun aġġornata regolarment. Iżda listi waħedhom mhumiex biżżejjed. Definizzjoni wiesgħa biżżejjed tal-UTPs trid tiġi proposta li tkopri kwalunkwe każ li jonqos li jissodisfa d-definizzjoni wiesgħa ta' "prattika kummerċjali tajba" f'termini ta' "bona fede", "bilanċ kuntrattwali" u r-regoli komuni tan-negozji fis-setturi rilevanti tal-ekonomija.

Mistoqsija 21: Il-KESE jaħseb li kull ħolqa fil-katina tal-provvista kollha kemm hi għandha tassumi r-responsabbiltà għall-ispejjeż u r-riskji naturali tagħha, u b'hekk naslu għal sehem ġust fil-marġini ġenerali. Fi kliem ieħor, il-produttur għandu jħallas għall-ispejjeż u r-riskji involuti fil-produzzjoni, u l-bejjiegħ bl-imnut għal dawk involuti fil-bejgħ.

Mistoqsija 23: Il-KESE jaħseb li prattiki ġusti għandhom jiġu inkorporati f'qafas fil-livell tal-UE.

Mistoqsija 24: Il-KESE huwa konvint li strument leġislattiv vinkolanti bħal regolament għandu jiġi adottat fil-livell tal-UE.

Mistoqsija 25: Fil-fehma tal-KESE l-Green Paper ma jitfax biżżejjed attenzjoni fuq l-evalwazzjoni tal-impatt tal-użu tal-UTPs fir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi (B2B) fuq il-konsumaturi u fuq l-interess ekonomiku nazzjonali.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Henri MALOSSE


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE,"Prattiki qarrieqa ta' kummerċjalizzazzjoni",ĠU C 271, 19.09.2013, p. 61-65

(2)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara d-dikjarazzjoni bil-miktub tal-MPEs Nru. 0088/2007. Written declaration on investigating and remedying the abuse of power by large supermarkets operating in the European Union (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Kummissjoni Ewropea, Stqarrija għall-Istampa, Brussell, 5 ta' Diċembru 2012, Improving the functioning of the food supply chain (Intejbu kif tiffunzjona l-katina tal-provvista tal-ikel) (mhux disponibbli bil-Malti)

(5)  Consumers International, The relationship between supermarkets and suppliers: What are the implications for consumers?, 2012.

(6)  Informazzjoni mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Kompetizzjoni, Affarijiet tal-Konsumatur u Kontroll tal-Frodi, ta' Franza.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.10

Ibdel it-test kif ġej:

"Il-KESE jaħseb li l-liġijiet li jwaqqfu prattiki kummerċjali inġusti adottati f'diversi Stati Membri jirriflettu l-fatt li s-sitwazzjoni attwali mhijiex aċċettabbli. Għalkemm għal diversi raġunijiet dawn il-liġijiet ma pproduċewx riżultati sodisfaċenti, ma jkunx minnu li ngħidu li ma sar xejn. Suċċess wieħed huwa Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fir-rigward tat-trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet ikbar fil-qsim tal-benefiċċji u t-twaqqif tal-prattiki ta' estorsjoni l-iżjed esaġerati għadu 'l bogħod wisq milli jsir realtà."

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

54

Kontra

:

63

Astensjonijiet

:

27


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Regolamentazzjoni Intelliġenti — Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji”

COM(2013) 122 final

2013/C 327/07

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Korelatur: is-Sur BURNS

Nhar il-18 ta’ April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Regolamentazzjoni Intelliġenti – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji

COM (2013) 122 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-10 u l-11 ta’ Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156-il vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tqiegħed ir-regolamentazzjoni intelliġenti fuq nett tal-aġenda tagħha. Ir-regolamentazzjoni hija neċessità iżda trid tkun imfassla tajjeb sabiex tilħaq l-għanijiet ta' politika tal-UE bl-inqas spiża. Il-KESE jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea matul is-snin sabiex tippromovi t-tfassil u l-applikazzjoni ta' għodod regolatorji aħjar, inklużi l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-involviment tal-partijiet interessati.

1.2

Il-Kumitat għalhekk:

a)

jinnota li, filwaqt li r-regolamentazzjoni intelliġenti hija neċessarja għall-intrapriżi ta' kwalunkwe daqs, il-burokrazija għandha impatt disproporzjonat fuq il-kumpaniji żgħar, speċjalment fuq il-mikrointrapriżi;

b)

ifakkar lis-servizzi kollha tal-Kummissjoni li t-test tal-SMEs huwa parti integrali mill-valutazzjonijiet tal-impatt. Huwa jistieden lil-leġislatur Ewropew sabiex iqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-kumpaniji żgħar u dawk mikro fi ħdan il-grupp tal-SMEs huwa u jħejji l-valutazzjonijiet tal-impatt u jfassal it-testi leġislattivi;

c)

jilqa' l-programm REFIT li ser jidentifika l-piżijiet u l-miżuri ineffettivi għall-SMEs. Dan il-programm għandu jintuża sabiex jiġu identifikati u rtirati r-regolamenti eżistenti li m'għadhomx utli kif ukoll sabiex tiġi kkonsolidata l-leġislazzjoni eżistenti. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tniedi kemm jista' jkun malajr kontrolli ġodda tal-idoneità billi tagħti prijorità lil dawk li jikkonċernaw l-aktar għaxar regolamenti li huma l-aktar ta' piż, ippreżentati fil-Komunikazzjoni attwali b'enfasi speċifika fuq il-mikrointrapriżi;

d)

ifakkar fi prinċipju wieħed minn dak il-programm li jindika li l-valutazzjonijiet tal-impatt isiru aktar faċli biex jintużaw meta jintuża mudell standard li jkollu sommarju eżekuttiv ċar li jenfasizza l-kwistjonijiet prinċipali, inklużi l-ispejjeż ta' implimentazzjoni partikolarment fuq il-mikrointrapriżi;

e)

jappoġġja l-ħolqien, fuq perjodu twil, ta' bord ta' valutazzjoni indipendenti u uniku li jaħdem għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Dan il-bord indipendenti għandu jagħmel użu minn esperti esterni sabiex jiġi pprovdut skrutinju addizzjonali tal-proposti tal-Kummissjoni bil-għan li jinftiehmu aħjar il-kunċetti differenti kkonċernati;

f)

jaqbel li l-mikrointrapriżi m'għandhomx jingħataw eżenzjonijiet ġeneralizzati iżda pjuttost għandu jiġi adottat approċċ ta' każ b'każ għall-proposti leġislattivi, wara valutazzjoni dettaljata ta' impatt;

g)

ifakkar lill-Kummissjoni sabiex tehmeż dettalji ta' liema tibdil sar u r-raġuni għal dan it-tibdil, bħala riżultat tal-proċess tal-konsultazzjoni;

h)

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja kontinwament it-tabella ta' valutazzjoni tal-SMEs li titwaqqaf permezz ta' servizz ċentralizzat għall-koordinazzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs;

i)

jitlob li jkun hemm programm ġdid li jnaqqas il-piż mhux neċessarju tar-regolamentazzjoni u jiżgura li r-regolamentazzjoni intelliġenti ma teżentax lill-kumpaniji mir-regolamenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiem, l-istandards tal-ugwaljanza tal-ġeneru jew l-instandards ambjentali. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ mandat ġdid għall-Grupp Stoiber sal-2020 li għandu jissorvelja u jimplimenta politiki li huma relatati b'mod speċjali mal-mikrointrapriżi u dawk żgħar f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs;

j)

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex jillimitaw il-piż amministrattiv fuq in-negozji wkoll, meta jindirizzaw il-leġislazzjoni tal-UE fit-tfassil tal-politiki;

k)

jipproponi li l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-qasam tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti sabiex tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating).

2.   Test propost mill-Kummissjoni

2.1

F'Novembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat rapport intitolat "Innaqqsu l-piż regolatorju għall-SMEs - Nadattaw ir-regolamenti tal-UE għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi (1)", liema rapport jindika miżuri mmirati speċifikament għall-SMEs. Dan ir-rapport jirrifletti fuq il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" (2) stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar li jitlob li l-impatti fuq l-SMEs jitqiesu fit-tfassil tal-leġislazzjoni u li l-ambjent regolatorju eżistenti jiġi ssemplifikat. Il-Kummissjoni esprimiet ir-rieda tagħha li tindirizza l-piżijiet fuq l-SMEs permezz tal-Programm il-ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (Regulatory Fitness and Performance Programme (REFIT)) (3), imniedi wkoll f'Diċembru 2012.

2.2

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa dwar "Regolamentazzjoni Intelliġenti – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji" (4), adottata fis-7 ta' Marzu 2013, tindirizza l-miżuri kollha li l-Kummissjoni ħadet mill-2011 'l hawn sabiex issolvi l-kwistjonijiet marbuta mal-piżijiet għall-SMEs. Ir-rapport jara xi progress sar fl-oqsma li ġejjin:

analiżi tar-rwol tal-valutazzjonijiet tal-impatt fir-regolamentazzjoni għall-SMEs;

introduzzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni annwali għall-SMEs;

l-iżgurar tal-kontrolli tal-idoneità regolatorja.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1   L-abbozzar ta' regolamentazzjoni intelliġenti hija essenzjali għall-SMEs - speċjalment għall-mikrointrapriżi

3.1.1

Il-KESE minn dejjem appoġġja u ħeġġeġ inizjattivi għal regolamentazzjoni aħjar, kif indikat b'mod ċar fid-diversi opinjonijiet tiegħu (5). Il-Kumitat jirrikonoxxi li, filwaqt li r-regolamentazzjoni intelliġenti hija neċessarja għall-intrapriżi ta' kwalunkwe daqs, il-burokrazija għandha impatt disproporzjonat fuq il-mikrointrapriżi u dawk żgħar. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir għandha tkun linja gwida prijoritarja fit-tfassil ta' leġislazzjoni ġdida u matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

3.1.2

L-SMEs huma differenti fid-daqs, il-qasam tal-attività, l-għanijiet, il-finanzjament, il-ġestjoni, il-lokalità ġeografika u l-istatut legali tagħhom (6). Dawk li jfasslu l-politika għalhekk għandhom bżonn iqisu dawn il-varjazzjonijiet meta jfasslu r-regolamenti għalihom. Huma jridu jiftakru li r-regolamenti individwali forsi ma jkunux jidhru daqshekk ta' piż iżda, fost affarijiet oħrajn, huwa l-akkumulazzjoni tar-regoli u l-leġislazzjoni li jiskoraġġixxu negozju mikro jew żgħir milli jiżviluppa ideat ġodda, jidħol fi swieq eżistenti jew jimpjega aktar nies.

3.1.3

B'konsegwenza, ħafna SMEs, speċjalment il-mikrointrapriżi u dawk żgħar, jaraw il-leġislazzjoni bħala mezz kif jinħonoq l-iżvilupp intraprenditorjali aktar milli mezz kif jiġi ffaċilitat it-tkabbir. Il-KESE huwa tal-fehma li regolamentazzjoni iktar intelliġenti fil-livell tal-UE mhux ser tgħin jekk il-leġislazzjoni ma tidentifikax b'mod ċar lil liema negozji qiegħda tipprova tgħin u liema (jekk hemm) eżenzjonijiet dawn in-negozji qegħdin jingħataw jew jitħallew jitolbu lura. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni sabiex timplimenta kompletament it-test tal-SMEs matul l-eżerċizzji kollha tal-valutazzjoni tal-impatt li jitwettqu fid-Direttorati Ġenerali differenti. Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-test tal-SMEs għandu jinkludi l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali tal-proposti fir-rigward tad-daqs tan-negozju, b'differenza ċara bejn il-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju. Jekk it-test tal-SME ma jitwettaqx tajjeb, imbagħad il-Bord dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jagħti opinjoni negattiva dwar dan.

3.2   Ir-rwol tal-valutazzjonijiet tal-impatt (VI)

3.2.1

Il-KESE għalhekk jirrikonoxxi r-rwol tal-VI (7) bħala element prinċipali fit-tfassil tal-politika għall-SMEs fil-livell tal-UE. Il-Kumitat jinsisti li l-Kummissjoni tipprepara VI b'saħħithom, loġiċi u adatti għall-għanijiet tagħhom. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li jeħtieġ li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-valutazzjoni tal-impatt trid tiffoka wkoll fuq l-analiżi tal-ispiża. Iż-żieda fl-ispejjeż imposti fuq l-intrapriżi minħabba r-regolamentazzjoni twassal sabiex xi attivitajiet, li fin-nuqqas tar-regolamentazzjoni kieku jħallu qligħ, jispiċċaw mhux vantaġġużi. B'konsegwenza, għalhekk, xi intrapriżi marġinali jkunu mġiegħla joħorġu mis-suq u b'hekk jitnaqqas il-potenzjal għall-attività ekonomika fis-settur privat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippubblika dikjarazzjoni annwali vverifikata indipendentement li turi l-ispiża netta totali għall-intrapriżi kkawżata mill-proposti regolatorji. Id-dikjarazzjoni għandha tirrapporta wkoll tibdil prinċipali għall-proposti ta' politika introdotti b'riżultat tal-VI.

3.2.2

Il-KESE jirrikonoxxi li l-VI huma dokumenti tekniċi, iżda t-tul u l-lingwa tagħhom jistgħu jagħmluhom impossibbli biex jinftehmu, speċjalment jekk il-kumpaniji żgħar ikunu jixtiequ jikkontribwixxu. Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn isiru aktar faċli biex jintużaw (8) billi jintuża mudell standard u sommarju eżekuttiv ċar li jenfasizza l-kwistjonijiet prinċipali li ġew indirizzati b'enfasi fuq kull sottogrupp ta' SMEs.

3.2.3

Il-KESE jitlob li jsir skrutinju indipendenti u trasparenti tal-abbozzi ta' valutazzjoni tal-impatt mill-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-negozji li jirrappreżentaw il-mikrointrapriżi u dawk żgħar u ta' daqs medju, sabiex jiġi żgurat li huma ta' kwalità għolja u mfassla skont il-linji gwida (9).

3.2.4

Il-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jivvalutaw preċiżament kif u sa fejn għandhom jintużaw il-miżuri u l-mudelli speċjali (bħall-eżenzjonijiet, is-semplifikazzjonijiet, eċċ.) sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs. Il-KESE jilqa' ż-żieda fl-applikazzjoni tat-test tal-SMEs iżda jfakkar fil-bżonn li l-impatt fuq il-leġislazzjoni għat-tliet sottogruppi differenti għandu jiġi eżaminat bir-reqqa u individwalment. Wara għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-mikrointrapriżi jiġu eżentati mir-regolamenti l-ġodda jew li jiġu adottati skemi eħfef.

3.2.5

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tidher li qed tirrinunzja għall-pjani tagħha li tagħti dispensa ġenerali lill-mikrointrapriżi mir-regoli tal-UE meta tkun qed tikkonkludi l-eżerċizzju tagħha tal-valutazzjoni tal-impatt. Huwa jilqa' dan il-pass u jissottolinja l-fatt li l-leġislazzjoni intelliġenti għandha tiġi aġġustata, b'rilevanza għat-tip u d-daqs tan-negozju u mhux ikkumplikata żżejjed. Dment li dawn il-parametri jiġu ssodisfati, ikun faċli għas-sidien tan-negozji li jirrispondu billi jiżviluppaw il-proċeduri interni adegwati li jilħqu l-għanijiet tal-leġislazzjoni intelliġenti.

3.2.6

Il-mikrointrapriżi u dawk żgħar jirrikonoxxu li huma jinsabu eqreb tal-klijenti tagħhom milli l-kumpaniji multinazzjonali kbar. Huma jirrikonoxxu wkoll li hemm domanda dejjem tikber mill-klijenti sabiex jużaw negozji lokali li huma etiċi u jieħdu ħsieb l-ambjent lokali. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li għalhekk huwa essenzjali li l-istandards u r-regolamenti li jirregolaw il-kwalità tal-intrapriżi, il-prodotti tagħhom u s-servizzi tagħhom jiġu rispettati mill-kumpaniji jekk iridu li jkollhom suċċess u jibqgħu kompetittivi fi swieq differenti. Jekk il-mikrointrapriżi jiġu eżentati mir-regolamenti dwar il-ħarsien u l-ambjent, pereżempju, dan jista' fl-aħħarnett jagħmel ħsara lil dawn in-negozji (10).

3.2.7

Il-KESE jħoss li, minbarra l-punti li jissemmew aktar 'il quddiem, il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jimmiraw ukoll biex jikkwantifikaw preċiżment l-effett li jista' jkollhom b'mod suċċessiv dawk il-miżuri immirati biex jitnaqqas il-piż amministrattiv permezz ta' regolamenti emendatorji diretti għall-SMEs. Tali miżuri jista' jkollhom effetti kollaterali fuq il-bilanċ soċjali u r-relazzjonijet mal-awtoritajiet tal-Istat (xogħol mhux iddikjarat, għarfien dwar data tat-taxxa, kontribuzzjonijiet soċjali, klassifikazzjoni u natura tal-kuntratti ta' impljieg, eċċ.).

Ir-regolamentazzjoni intelliġenti mmirata lejn l-SMEs għandha, min-natura tagħha stess, tiżgura li ma tħalli ebda impatt estern, jew tal-inqas l-ebda konsegwenza negattiva. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li r-regolamentazzjoni intelliġenti la għandha tneħħi s-saħħa mid-drittijiet tal-ħaddiema (11) u lanqas m'għandha tnaqqas il-livell bażiku tagħhom ta' ħarsien, speċjalment fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

3.3   It-tabella ta' valutazzjoni tal-SMEs

3.3.1

Il-KESE jilqa' t-twaqqif ta' tabella ta' valutazzjoni annwali tal-SMEs li tagħmilha possibbli li jiġu segwiti miżuri speċifiċi matul iċ-ċiklu tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Huwa jistenna l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati.

3.3.2

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha timmonitorja kontinwament it-tabella ta' valutazzjoni tal-SMEs permezz ta' servizz ċentralizzat ta' koordinazzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-korpi differenti tal-UE. L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-SMEs huma mistiedna wkoll jieħdu sehem fl-eżerċizzju.

3.4   Titjib tal-konsultazzjoni tal-SMEs

3.4.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li pjani ta' rotta li jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar l-inizjattivi possibbli tal-Kummissjoni jinsabu disponibbli għalihom f'ħidma preparatorja u konsultattiva ppjanata. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati għandhom jiġu rriklamati b'mod usa' sabiex dawn ikunu jistgħu jirrispondu fi żmien xieraq. Madankollu, dawn m'għandhomx ikunu bbażati fuq il-kwantità iżda fuq il-kwalità u appoġġjati minn evidenza empirika miksuba mill-intervisti ma' intraprendituri ġenwini, inklużi impjegati, u ma' organizzazzjonijiet tan-negozji, żjarat jew osservazzjoni tal-mikrointrapriżi u dawk żgħar. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li l-pjani ta' direzzjoni għandhom dejjem jinkludu valutazzjoni approssimattiva inizjali tal-ispejjeż mistennija sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jipprovdu kontroll tal-kwalità tal-impatti possibbli. Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li konsultazzjoni komprensiva tal-partijiet interessati hija kruċjali sabiex tinġabar data ta' kwalità għolja kif ukoll sabiex jitfasslu proposti għar-regolamentazzjoni intelliġenti.

3.4.2

Wara li ssir il-konsultazzjoni, ħafna assoċjazzjonijiet tan-negozji u l-membri tagħhom ma jkunux jafu jekk l-isforzi tagħhom biex jgħinu jidentifikaw problemi potenzjali u soluzzjonijiet possibbli ħallewx il-frott. Il-KESE jirrakkomanda li xi wħud minnhom, wara proċedura uffiċjali, jipparteċipaw fil-bord ta' valutazzjoni indipendenti bħala esperti esterni sabiex jipprovdu skrutinju addizzjonali tal-proposti tal-Kummissjoni bil-għan li jinftiehmu aħjar il-kunċetti differenti kkonċernati.

3.4.3

Il-KESE nnota żieda relattiva fin-numru ta' atti ddelegati adottati mil-leġislaturi fis-snin reċenti. Ħafna mid-deċiżjonijiet meħuda permezz ta' atti ddelegati għandhom impatt sinifikanti fuq l-SMEs. Il-Kumitat għalhekk iħoss li l-kamp ta' applikazzjoni għandu jiġi estiż ukoll sabiex jiġu koperti xi wħud mill-atti ddelegati prinċipali li jista' jkollhom impatt ekonomiku, ambjentali u/jew soċjali sostanzjali fuq settur speċifiku jew fuq il-partijiet interessati prinċipali.

3.4.4

Il-KESE jitlob li meta titfassal il-leġislazzjoni jkun hemm djalogu strutturat u ġenwin dwar l-SMEs mal-partijiet differenti. Din is-sħubija għandha tiżgura parteċipazzjoni mill-SMEs u l-organizzazzjonijiet tagħhom kollha, speċjalment assoċjazzjonijiet żgħar tan-negozji li jiddefendu l-applikazzjoni tal-prinċipji "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" u "darba biss" li jinsabu fl-Att dwar in-Negozji Żgħar (12), sabiex jiġu stimulati l-għanijiet dwar l-effiċjenza.

3.4.5

Fil-prinċipju, il-KESE jappoġġja n-Netwerk Enterprise Europe. Huwa jiddispjaċih li l-potenzjal tiegħu għandu ma ġiex sfruttat peress li jidher li ħafna SMEs Ewropej ma jafux li dan jeżisti. Is-servizzi offruti min-Netwerk Enterprise Europe għandhom jiġu bbażati fuq id-domandi u l-ħtiġijiet ġenwini tal-SMEs b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet ospitanti tan-Netwerk Enterprise Europe għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiddedikaw aktar riżorsi għall-bżonnijiet tal-SMEs meta jindirizzaw l-amministrazzjoni pubblika. Il-KESE jemmen li: dan l-appoġġ għandu jiffoka partikolarment fuq l-iżgħar intrapriżi li għandhom jiġu kkonsultati direttament miċ-Ċentru lokali tan-Netwerk Enterprise Europe meta jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni. Ir-riżultati tal-laqgħat wiċċ imb wiċċ u l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom jitqiesu mis-servizzi kollha tal-Kummissjoni sabiex il-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" jitqiegħed fil-prattika.

3.4.6

Il-KESE jilqa' l-estensjoni tal-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi (13) (il-Grupp Stoiber). Il-KESE jixtieq partikolarment jara li l-grupp jingħata rwol prinċipali ġdid fl-assistenza lill-Kummissjoni bit-tħejjija, is-sorveljanza u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-mikrointrapriżi u dawk żgħar f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs u t-trejdunjins.

3.4.7

Il-KESE jieħu nota tar-riżultati tal-konsultazzjoni msejħa TOP 10 dwar l-agħar eżempji ta' burokrazija li jolqtu lill-SMEs (14). Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrispondi għall-konklużjonijiet tagħha kemm jista' jkun malajr billi tippubblika proposti speċifiċi għas-semplifikazzjoni.

3.5   Jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs

3.5.1

Il-KESE jappoġġja kontroll tal-idoneità regolatorja tal-politiki mfassla għall-SMEs (15) ('l hekk imsejjaħ "Programm REFIT") Huwa jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-valutazzjonijiet pilota (16), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tniedi aktar kontrolli tal-idoneità fil-programm tagħha għall-2014 f'oqsma prinċipali li jitqiesu bħala importanti għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kummissjoni hija mistiedna tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha l-kontrolli kollha tal-idoneità li twettqu jew li huma ppjanati.

3.5.2

Il-KESE jipproponi wkoll kontroll komprensiv tal-idoneità tal-leġislazzjoni tal-UE li jħabbtu wiċċhom magħha l-intrapriżi meta jagħmlu skambji kummerċjali lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE. Il-KESE jqis li l-piż regolatorju ta' leġislazzjoni bħal din huwa għoli u li kontroll bħal dan jagħti kontribut sinifikanti lill-aġendi tal-UE għar-regolamentazzjoni intelliġenti, it-tkabbir u l-kummerċ.

3.5.3

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Programm REFIT sabiex tidentifika u tipproponi li tirtira kemm jista' jkun malajr regolamenti eżistenti u proposti pendenti li m'għadhomx jintużaw u sabiex twettaq il-konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti bħala parti mill-isforzi tagħha ta' semplifikazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-miri kollha ta' tnaqqis ikunu jistgħu jitkejlu u jkunu maħsubin sabiex jipprovdu tibdil tanġibbli u pożittiv għall-intrapriżi.

3.5.4

Il-KESE jqis li għandha tintuża għażla aħjar ta’ strumenti legali, inklużi mekkaniżmi għall-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjon (17).

3.6   Lejn governanza aħjar u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni fit-tfassil tal-politiki għall-SMEs

3.6.1

Il-KESE jindika li r-regolamentazzjoni intelliġenti hija r-responsabbiltà kondiviża ta' dawk kollha involuti fit-tfassil tal-politiki tal-UE kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

3.6.2

Fil-livell Ewropew:

Il-Kumitat jemmen li filwaqt li l-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex iżżomm l-ispejjeż amministrattivi għal minimu fil-proposti leġislattivi tagħha, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jimpenjaw ruħhom ukoll sabiex inaqqsu jew jillimitaw il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi sal-livelli intiżi mill-proposta tal-Kummissjoni.

Jekk il-Kunsill u l-Parlament jaqbżu dawn il-livelli, għandu jkollhom jiġġustifikaw dawn id-deċiżjonijiet. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex ikomplu jimpenjaw ruħhom sabiex iwettqu, jekk ikun il-każ, dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-emendi fil-fond għall-proposti tal-Kummissjoni.

3.6.3

Fil-livell tal-Istati Membri

Il-KESE huwa tal-fehma li l-prinċipju ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti ser jaħdem biss jekk ikun hemm ukoll implimentazzjoni intelliġenti. Huwa jappella lill-Istati Membri sabiex ma jdgħajfux il-miżuri ta' semplifikazzjoni meħuda fil-livell tal-UE meta jittrasponuhom fil-liġijiet nazzjonali. Din ir-regolamentazzjoni żejda (gold plating) hija ostaklu ċar għall-iżvilupp intraprenditorjali. Il-Kumitat għalhekk jissuġġerixxi li jiġi impost taħriġ obbligatorju għall-politiċi, l-uffiċjali tal-ministeru u oħrajn involuti fit-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni fil-liġi nazzjonali.

Madankollu, dan ma jeskludix lil xi Stat Membru milli jadotta standards ogħla jekk ikun jixtieq jagħmel dan.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri fil-forma ta' laqgħat u workshops mal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' implimentazzjoni. Huwa jqis li l-Kummissjoni għandha tikkoordina bil-għaqal is-segwitu tal-implimentazzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi DĠ u l-Istati Membri.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu aktar mill-qrib flimkien sabiex jaqsmu eżempji tal-aħjar prattika fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt, bil-għan li jiġu żviluppati proċeduri flessibbli, trasparenti u paragunabbli. L-Istati Membri huwa mistiedna wkoll sabiex isaħħu l-iskambju tal-eżempji tal-aħjar prattika fis-semplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni li tikkonċerna lill-SMEs (18) (pereżempju soluzzjonijiet tal-gvern elettroniku sabiex l-intrapriżi jifhmu r-regoli u jikkonformaw magħhom (19)).

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/simplification/sme/sme_mt.htm.

(2)  Ara l-Opinjoni tas-Sur Lannoo dwar Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(3)  http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/1_MT_ACT_part1_v8.pdf.

(4)  http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/1_EN_ACT_part1_v4.pdf.

(5)  Ara l-Opinjoni tas-Sur Pegado Liz dwar Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87.

(6)  Ara l-Opinjoni tas-Sur Cabra de Luna dwar Forom differenti ta' intrapriża (opinjoni fuq inizjattiva proprja) - ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22. Pereżempju: il-professjonijiet liberali bħala grupp għandhom jirrispettaw regolamenti professjonali sodi sabiex jissodisfaw l-interess tal-klijenti u tal-pubbliku.

(7)  Ara l-Opinjoni tas-Sur Pegado Liz dwar Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti - punt 4 A ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87.

(8)  Il-valutazzjoni tal-impatt reċenti dwar il-Pakkett tal-affidabbiltà stradali kien fiha 102 paġni, filwaqt li dik dwar il-protezzjoni tad-data kien fiha 241 paġna.

(9)  Ara l-Opinjoni tas-Sur Pegado Liz dwar Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti - punt 4 B ĠU C 248, 25.8.2011, p. 87.

(10)  Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi - Regolamentazzjoni Intelliġenti - Risposta għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/smart_regulation/consultation_2012/docs/registered_organisations/beuc_en.pdf.

(11)  http://www.etuc.org/IMG/pdf/our_priorities_soc_dial_in_smes.pdf.

(12)  Ara l-punt 2.

(13)  http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/ind_stakeholders/ind_stakeholders_en.htm.

(14)  http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-168_en.htm?locale=FR(mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/com_2013_en.pdf.

(16)  http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/evaluation/docs/fitness_check_en.pdf.

(17)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.self-and-co-regulation.

(18)  http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/best_practice_report_en.htm.

Ara dan l-eżempju: http://www.bru.gov.mt/15-6-reduction-in-administrative-burden-registered_news-posted-on-17th-december-2012. F'Malta, il-Better Regulation Unit (Taqsima tar-Regolamentazzjoni Aħjar – BRU) twaqqaf fil-bidu tal-2006, wara impenn mill-Gvern biex tiddaħħal kultura li twassal għal Regolamentazzjoni Aħjar.

(19)  http://www.irma-international.org/viewtitle/21237/ Ron Craig, "E-government and SMEs".


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju”

COM(2013) 107 final — 2013/0064 (COD)

2013/C 327/08

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-14 ta' Marzu 2013 u nhar l-20 ta' Marzu 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta' Appoġġ għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

COM(2013) 107 final – 2013/0064 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'165 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza li l-Ewropa tkun attrezzata b'sistema awtonoma ta' sorveljanza tal-ispazju bil-għan li tipproteġi l-infrastrutturi spazjali tagħha u tiggarantixxi s-sigurtà tal-varar. Huwa jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tindirizza dan is-suġġett għall-ewwel darba u jipproponi soluzzjonijiet sabiex jinbeda proċess ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jressqu għall-approvazzjoni tagħha proposti ta' tħaddim fil-każ fejn il-kwalità u l-kwantità ta' informazzjoni prevista u l-iskambju tal-għarfien partikularment dwar il-metodoloġija u l-kapaċità li tiġi analizzata d-data għandhom interess Ewropew evidenti.

1.3

Il-KESE huwa konxju tad-diffikultà li jinsabu soluzzjonijiet kondiviżi mill-Istati Membri u jqis il-proposta tal-Kummissjoni bħala l-ewwel pass importanti lejn għanijiet aktar ambizzjużi ta' ħidma konġunta. Il-preżenza ta' interessi militari sodi f'dan il-programm twassal sabiex il-ħolqien ta' infrastruttura komuni tkun iktar kumplessa. Il-KESE jispera li dan iseħħ malajr kemm jista' jkun, bil-punt ta' tluq tkun din l-inizjattiva. Madankollu, huwa pożittiv li jinxeħtu l-pedamenti għal din il-kooperazzjoni bejn il-qasam ċivili u dak militari, li għandha tkun kondiviża mal-ESA, l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, u d-Direttorat għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ippjanar.

1.4

Il-KESE jqis prijoritarju li l-fondi previsti għall-attività tal-SST (Space Surveillance and Tracking - is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju), matul is-seba' snin ta' tħaddim tas-servizz, jintużaw sabiex jinbena l-ewwel embriju ta' kapaċità indipendenti Ewropea, li fih tista' tiġi trasferita parti minn dil-kapaċità li attwalment tinsab fid-dipartimenti tad-difiża tal-Istati Membri. Din tista' titwettaq permezz tal-użu tat-teleskopi ottiċi li diġà jintużaw fl-Ewropa (Kanarji) u l-ħolqien ta' għallinqas radar Ewropew tal-istess klassi bħal dik li jintużaw mill-istrutturi tad-difiża. B'dan il-mod, nimxu lejn investiment sostenibbli fejn kapaċitajiet u kompetenzi ġodda jiġu trasferiti fil-qasam ċivili sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

1.5

Għas-seba snin previsti sabiex jitwettaq dan il-programm, il-KESE jqis neċessarju li l-livell ta' servizz mistenni min-naħa tal-imsieħba nazzjonali fir-rigward tal-kwantità tad-data pprovduta, it-tipoloġija tagħhom, il-frekwenza, il-kwalità u d-disponibbiltà jiġi definit bi previżjonijiet speċifiċi, b'tali mod li jkun jista' jkollhom l-istrumenti neċessarji sabiex jiġi vvalutat is-servizz, bl-istess mod bħalma jsir għall-programmi ta' riċerka tas-Seba' Programm Qafas, fejn dawn il-parametri huma definiti u kkoordinati b'mod ċar.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-kriterji ta' aċċess għall-programm għandhom jinżammu miftuħa u li jiġu ppreċiżati b'mod aktar ċar fit-test tal-Artikolu 7(1)(a). Huwa kruċjali li fil-programm jitħallew jipparteċipaw mhux biss il-pajjiżi li diġà għandhom kapaċità indipendenti (pereżempju Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit), iżda dawk kollha li għandhom il-possibbiltà li jamgħlu disponibbli kompetenzi għall-ipproċessar tad-data. It-test propost għandu jiġi rivedut.

1.7

Il-KESE jirrimarka li l-attivitajiet ta' sorveljanza kollha (Space Situational Awareness - SSA) jinkludu, apparti s-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (Space Surveillance and Tracking), anke t-temp spazjali (Space Weather) u l-monitoraġġ ta' oġġetti qrib id-dinja (Near-Earth Objects).

1.8

B'mod partikolari, peress li huwa rikonoxxut li l-periklu mill-attività tax-xemx għall-infrastrutturi spazjali huwa tal-inqas indaqs, jekk mhux iktar, meta jitqiesu l-effetti ta' avvenimenti partikolarment intensi, il-KESE jqis li ż-żewġ aspetti jridu jiġu segwiti b'mod parallel, kif previst oriġinarjament fid-definizzjoni tal-SSA. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi qafas kumplessiv u integrat tad-diversi aspetti tad-difiża tal-infrastrutturi spazjali, b'mod partikulari mal-ESA li diġà hija impenjata b'mod attiv f'programm ta' ħarsien mir-radjazzjoni solari. Fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar l-Ispazju u s-Sikurezza, li saret f'Madrid fl-10 u l-11 ta' Marzu 2011 (imsemmija fil-Valutazzjoni tal-Impatt), hemm indikat b'mod ċar li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni f'dan il-qasam fost il-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-UE, l-ESA u l-Istati Membri.

1.9

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti tal-Amerika u mal-pajjiżi l-oħra li huma interessati fi proġett konġunt ta' protezzjoni tal-infrastrutturi spazjali, li jippermetti li jiġu evitati l-kolliżjonijiet perikolużi u xi kultant katastrofiċi anke ma' materjal żgħir ħafna li jistgħu jwaqqfu milli jintuża satellita li tqum ħafna flus u indispensabbli għall-attivitajiet tal-bniedem.

2.   Id-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Il-Komunikazzjoni li qiegħda tiġi analizzata tipproponi li jinħoloq programm ġdid Ewropew ta' sorveljanza fl-ispazju u l-ittraċċar tal-oġġetti madwar id-dinja, imsejjaħ SST (Space Surveillance and Tracking - is-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju).

2.2

Il-programm inħoloq bħala risposta għall-bżonn li jiġu protetti l-infrastrutturi spazjali Ewropej, b'mod partikolari dawk rappreżentati mill-programmi Galileo u Copernicus/GMES, kif ukoll il-varar Ewropew, mir-riskji marbutin mal-periklu ta' impatt ma' residwu spazjali.

2.3

Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi wkoll il-qafas legali tal-programm u l-iskema tiegħu ta' finanzjament għall-perjodu 2014-2020.

2.4

Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn rapport (1), fejn fih ġew diskussi b'mod partikolari l-ħames skemi ta' finanzjament u governanza għall-programm, waqt li ġew stabbiliti l-karatteristiċi, l-ispejjeż u l-benefiċċji.

2.5

Qabel it-test innifsu hemm memorandum ta' spjegazzjoni li juri l-kuntest.

2.6

Il-kontribuzzjoni globali indikattiva tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-programm SST hija ta' EUR 70 miljun għall-perjodu 2014-2020.

2.7

Din l-ispiża tkopri l-kontribut għat-tħaddim tas-sensers li diġà għandhom l-Istati Membri parteċipanti - normalment fl-istrutturi militari tagħhom - u servizz ta' twissija abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri parteċipanti u pprovdut miċ-Ċentru Satelittari tal-Unjoni Ewropea (EUSC).

2.8

Il-parteċipazzjoni fil-programm hija fakultattiva u huwa previst li l-Istati Membri parteċipanti jkollhom sensers (teleskopji, radars) diġà jaħdmu u r-riżorsi tekniċi u tal-persunal neċessarji jew il-kompetenzi adegwati fil-qasam tal-ipproċessar tad-data.

2.9

Skont is-sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt mehmuż mal-proposta, l-ispiża minima li tinħoloq minħabba l-kolliżjoni tar-residwi mas-satelliti operattivi Ewropej hija ta' EUR 140 miljun kull sena fl-Ewropa, li hija stmata li titla' għal EUR 210 miljuni minħabba t-tkabbir previst ta' 50 % fis-servizzi marbutin mas-settur tas-satellita fis-snin li ġejjin. Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw stima konservattiva ħafna u ma jinkludux it-telf "fil-livell lokali", jiġifieri t-telf ekonomiku minħabba l-qtugħ tas-servizzi li jiddependu mid-data tas-satellita.

2.10

Huwa importanti li jiġi nnotat li kważi t-telf kollu mhux ġej mit-telf fiżiku tas-satelliti iżda mit-tnaqqis tal-ħajja operattiva tagħhom minħabba l-manuvri li jittieħdu sabiex jiġu evitati l-kolliżjonijiet.

2.11

Minkejja li diversi Stati Membri llum għandhom is-servizz tagħhom ta' sorveljanza, il-Kummissjoni temmen li l-involviment tal-UE huwa meħtieġ biex jiġi aggregat l-investiment meħtieġ għall-finanzjament tal-proġett, biex jiġu stabbiliti l-aspetti tal-ġestjoni, tiġi definita politika tad-data u jiġi żgurat li l-kapaċitajiet eżistenti u futuri jiġu sfruttati b’mod ikkoordinat.

2.12

S'issa, l-iSpace Surveillance Network (SSN - Netwerk għas-Sorveljanza tal-Ispazju) tal-Istati Uniti, immexxi mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, huwa r-referenza għas-servizzi kollha ta' twissija. F'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar id-disponibbiltà b'xejn tal-informazzjoni tal-Istati Uniti titqies bħala insuffiċjenti, peress li din l-informazzjoni mhix eżatta biżżejjed u hija soġġetta għal ġestjoni li l-UE ma jistax ikollha kontroll fuqha.

2.13

Il-ħolqien ta' dan is-servizz għalhekk jidħol tajjeb fl-istrateġija li l-Ewropa tkun indipendenti f'oqsma meqjusa bħala kritiċi, u b'mod partikolari fl-aċċess għall-ispazju.

2.14

Attwalment, fl-Ewropa huwa stmat li l-65 % tas-sensers għas-satelliti f'orbita baxxa huma ġestiti totalment jew parzjalment minn istituzzjonijiet li għandhom rabta mad-difiża (2).

2.15

L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) mhix l-aġenzija adegwata sabiex timplimenta programm bħal dan peress li mhix attrezzata biex tipproċessa d-data riżervata bħalma hija dik li ġejja minn sensers ġestiti mill-istrutturi militari.

2.16

Il-korp Ewropew li għandu jieħu ħsieb l-attività operattiva tat-tħaddim tas-servizz maħluq għall-koordinazzjoni huwa ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC), aġenzija tal-UE stabbilita mill-azzjoni konġunta tal-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2001 u li tipprovdi prodotti u servizzi ta' informazzjoni b'diversi livelli ta' klassifikazzjoni li nsiltu mill-analiżi tal-immaġni bis-satellita tad-dinja lill-utenti ċivili u militari. L-EUSC jista' jiffaċilita l-provvista ta' servizzi SST u ser jipparteċipa (f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti) għat-twaqqif u l-funzjonament tas-sistema SST li hija waħda mill-għanijiet tal-programm ta' appoġġ għall-SST. Bħalissa, madankollu, l-istatut ta' dan il-korp ma jipprevedi l-ebda azzjoni fil-qasam tal-SST.

2.17

Huwa mistenni li għall-ġestjoni tal-programm ser ikun hemm bżonn madwar 50 membru tal-persunal (inklużi r-riżorsi umani li jkunu disponibbli mill-Istati Membri parteċipanti, l-EUSC u l-Kummissjoni).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta ma tipprevedix il-ħolqien ta' strumenti u kompetenzi suffiċjenti għal-livell Ewropew għall-ġbir u l-analiżi tad-data, u għalhekk, fi tmiem il-perjodu ta' finanzjament ta' 5 snin ta' dan il-programm, l-Ewropa ser issib ruħha fl-istess sitwazzjoni tal-5 snin ta' qabel u probabbilment ikollha ġġedded dan il-ftehim biex tkompli tikseb id-data min-naħa tal-istrutturi tad-difiża tal-Istati Membri parteċipanti.

3.2

Fil-kuntest tal-finanzjament propost ta' EUR 70 miljun, m'hemm l-ebda rekwiżit fir-rigward tad-disponibbiltà, il-kwalità jew ir-rilevanza tad-data li l-istrutturi nazzjonali jridu jipprovdu. Għalhekk huwa diffiċli li jiġu stabbiliti kriterji ta' valutazzjoni għas-servizz mogħti. Dan ikun possibbli biss meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat l-atti ta' implimentazzjoni li jridu jitfasslu.

3.3

L-Istati Membri huma tal-fehma li l-ESA ma tipprovdix biżżejjed garanziji għall-ipproċessar tad-data sensittiva - l-aġenzija maħtura għal dan il-għan għandha tkun l-EUSC. Huwa nnotat, madankollu, li fil-livell tal-Istati Membri individwali, il-pajjiżi li għandhom servizz ta' sorveljanza u traċċar (bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja), jagħmlu dan f'kuntest ta' kooperazzjoni bejn l-aġenziji spazjali u dawk tad-difiża, u dan jagħti x'jifhem li fil-prattika, il-mudell ta' kooperazzjoni bejn l-aġenziji spazjali u dawk tad-difiża fil-fatt huwa effiċjenti. Madankollu, mhux ċar għala l-ESA ġiet eskluża minn servizz ta' dan it-tip, anke meta jitqies li din diġà tipparteċipa fis-servizz globali ta' twissija u ġestjoni tal-katastrofi, jiġifieri l-Karta Internazzjonali "Spazju u Diżastri Prinċipali" (International Charter on Space and Major Disasters).

3.4

Il-programm SST huwa wieħed mit-tliet oqsma tal-Programm Preparatorju tas-Space Situation Awareness (SSA) (Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali) li ilu jitħaddem b'mod preoperattiv mill-ESA sa mill-2009, u t-tnejn l-oħra huma Space Weather (it-temp spazjali) u Near-Earth Objects (l-oġġetti qrib id-dinja).

3.5

Il-Programm Preparatorju tal-SSA ġie ffinanzjat b'baġit ta' EUR 55 miljun. Mhix ċara x'inhi r-rabta bejn dawn iż-żewġ programmi. Fuq kollox, mhux ċar kif dan is-servizz ta' SST ser ikun jaħdem biswit servizz simili li jiġġenera u jiġġestixxi t-twissijiet relatati mar-riskji minn attività solari.

3.6

Huwa utli li jkun hemm paragun bejn kemm hi severa l-ħsara kkawżata minn kolliżjonijiet mar-residwi u dik li ġejja mill-attività ġeomanjetika tax-xemx. Skont studju mwettaq mill-Amministrazzjoni Nazzjonali dwar l-Oċeani u l-Atmosfera (National Oceanic and Atmospheric Administration - NOAA) tal-Istati Uniti (3), it-telf ekonomiku minħabba l-influwenza tat-tempesti solari fuq l-infrastruttura satellitari huwa enormi. Fl-2003, l-attività intensa tax-xemx qerdet l-ADEOS-2, satellita Ġappuniża li swiet USD 640 miljun. Fl-1997, tempesta manjetika wasslet għat-telfa tas-satellita għat-telekomunikazzjoni Telstar, li l-valur tagħha kien ta' USD 270 miljun, filwaqt li fl-1989 tempesta manjetika oħra ħolqot disa' sigħat ta' black-out (mingħajr elettriku) fiż-żona tal-Kanada, fejn id-danni ġew ikkalkulati għal USD 6 biljun

3.7

Huwa maħsub li supertempesta solari bħal dik li ġrat fl-1859 illum il-ġurnata tikkawża, mil-lat biss tal-ħsarat lis-satelliti f'orbita ġeostazzjonarja, telf ta' EUR 30 biljun, filwaqt li l-ħsara lill-grids tal-elettriku ttella' ċ-ċifra għal USD 1-2 triljun. Ikun hemm bżonn minn erba' sa għaxar snin sabiex jerġa' jkun hemm funzjonament totali (4).

3.8

Il-livell ta' riskju li ġej mill-attività solari għallinqas huwa daqs dak li ġej mir-residwi. Madankollu, iqis li t-tnejn li huma għandhom jiġu ġestiti b'mod konġunt, bħalma ġie previst mill-Konferenza li saret f'Madrid, f'Marzu 2011. Madankollu, il-Komunikazzjoni ma tiċċarax min għandu jimplimenta servizz ta' tħaddim relatat mat-twissijiet marbutin mal-attivitajiet tax-xemx.

3.9

Il-KESE jqis li l-proposta għandha tqis il-protezzjoni tal-infrastruttura spazjali Ewropea, inkluża wkoll attività komplementari li għandha l-għan li tissorvelja t-temp spazjali l-iskadenzi għall-implimentazzjoni u l-integrazzjoni bejn iż-żewġ sistemi.

4.   Kummenti partikolari/speċifiċi

4.1

L-Artikolu 5(2) jipprevedi li ma jinbnewx kapaċitajiet ġodda iżda għandhom biss jerġgħu jintużaw dawk eżistenti tal-Istati Membri. Madankollu, fil-Kapitolu 2 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni hemm indikat ċar li l-kapaċitajiet eżistenti mhumiex biżżejjed. Għalhekk mhux ċar biżżejjed liema tip ta' sistema għandha titwettaq b'dettall, anke b'rabta mal-ħames tipi mniżżla fir-rapport mehmuż (Valutazzjoni tal-Impatt).

4.2

Il-karatteristiċi tekniċi ta' din is-sistema mhumiex definiti b'mod espliċitu. Filwaqt li l-għanijiet tagħha huma definiti, id-deċiżjoni dwar minn x'hiex għandha tkun magħmula titħalla għal diskussjoni fil-futur bejn l-Istati Membri.

4.3

Rabta bejn l-użu militari u dak ċivili. Is-sistema hija mibnija bħala sistema ċivili. Madankollu, il-maġġoranza tal-informazzjoni ġejja mill-qasam militari. M'hemm l-ebda rekwiżit jew protokoll espliċitu li jobbliga lill-qasam militari li jipprovdi din l-informazzjoni lill-qasam ċivili. Anke hawnhekk il-proposta tgħid li l-kwistjoni ser tiġi solvuta fil-futur.

4.4

Rabta bejn l-Istati Membri u l-UE. Il-proposta tgħid li s-sensers kollha huma u għandhom jibqgħu f'idejn l-Istati Membri individwali. Ma jidhirx li hemm kundizzjonijiet espliċiti li jiggarantixxu livell minimu ta' fluss ta' data u informazzjoni.

4.5

Definizzjoni tas-servizz. Il-proposta ma tipprovdix dan b'mod espliċitu. Għalhekk mhuwiex possibbli li jiġi stmat jekk dan huwiex biżżejjed għall-proġetti stabbiliti mill-programm.

4.6

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2008 intitolata "Jitwettaq progress fil-Politika Spazjali Ewropea", il-Kunsill jenfasizza l-ħtieġa li "tiġi żviluppata kapaċità biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-utenti għal għarfien komprensiv tas-sitwzzjoni tal-ambjent spazjali".

4.7

Huwa importanti li jinżamm ir-ritmu tal-iżvilupp kemm tal-programm SST kif ukoll tal-programmi attwali tal-SSA.

4.8

L-"indikaturi tar-riżultati u tal-impatt" fil-punt 1.4.4 huma pjuttost superfluwi, u jipprovdu ftit elementi mil-lat operattiv, sabiex wara tkun tista' tiġi evalwata l-effikaċja tal-programm.

4.9

Apparti mid-definizzjonijiet tal-governanza, il-mudell operattiv tas-sistema mhux definit tajjeb.

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri mhix obbligatorja. Liema hija l-bażi minima sabiex is-servizz ikun jista' jaħdem?

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-Impatt, SWD(2013) 55 final.

(2)  Study on Capability Gaps concerning Space Situational Awareness, ONERA, 2007.

(3)  Value of a Weather-ready Nation, 2011, NOAA.

(4)  Ara n-National Research Council. (2008), Severe Space Weather Events. Understanding Societal and Economic Impacts: A Workshop Report. Washington, DC: The National Academies Press.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni)”

COM(2013) 162 final — 2013/0089 (COD)

2013/C 327/09

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-15 ta' April 2013 u nhar is-16 ta' April 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni)

COM(2013) 162 final – 2013/0089 (COD).

Nhar is-16 ta’ April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (sessjoni tal-11 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Hernández Bataller bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’116-il vot favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-valur ekonomiku inkontestabbli tat-trade marks u tal-impatt pożittiv tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern, jidher ċar li l-qafas leġislattiv attwali għall-protezzjoni sopranazzjonali mhuwiex suffiċjenti. Madankollu, il-Proposta għal Direttiva hi pass 'il quddiem mis-sitwazzjoni attwali fejn jeżistu differenzi regolatorji bejn it-trade mark Komunitarja u dawk nazzjonali.

1.2

Għaldaqstant, il-Kumitat hu favur it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbutin mal-użu leġittimu ta' trade mark kummerċjali, jappoġġja kemm jista' jkun ir-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trade marks, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) fir-rwol tiegħu li jimmonitorja r-rispett ta' dawn id-drittijiet.

1.3

F'dan ir-rigward, il-liġi tal-UE tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark kemm l-użu esklużiv tagħha bi skop ta' qligħ (ius utendi) kif ukoll il-possibbiltà li jimpedixxi li l-użu tagħha jiġi kompromess mill-azzjonijiet ta' partijiet terzi li jimitaw jew jużaw b'mod inadegwat is-sinjali distintivi tagħha (ius prohibendi). Il-Kumitat jitlob li jiġu adottati miżuri preventivi u kompensatorji fir-rigward tal-piraterija, li tnaqqas il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

1.4

Madankollu, il-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ ma tistabbilixxix b'mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta' trade mark jista' jieħu l-miżuri rilevanti biex jimpedixxi l-azzjonijiet imsemmijin.

1.5

B'mod ġenerali, fis-snin li ġejjin dan il-proċess kollu ta' armonizzazzjoni għandu jwassal għall-allinjament tal-liġijiet dwar it-trade marks, u għandu jiġi adottat kodiċi tat-trade marks tal-UE li jistabbilixxi, fost aspetti oħra, il-ħolqien ta' proċedura flessibbli, uniformi u ekonomika li tagħti l-possibbiltà lill-partijiet interessati li jagħżlu b'mod volontarju li jirreġistraw it-trade mark, u b'hekk jintemmu d-differenzi leġislattivi li jeżistu bħalissa.

1.6

Il-KESE għandu jaqdi rwol attiv fil-proċess leġislattiv tal-adozzjoni tal-atti kollha dwar il-proprjetà intellettwali; għaldaqstant jiddisipjaċih li ma ġiex ikkonsultat dwar il-proposta għall-emendar tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

1.7

Il-KESE jittama li fil-ġejjieni jkun hemm sistema li tiggarantixxi protezzjoni ugwali għat-trade marks, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-livell internazzjonali, il-liġi dwar it-trade marks hi regolata mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, li ġiet iffirmata f'Pariġi fl-20 ta' Marzu 1883, riveduta għall-aħħar darba fi Stokkolma fl-14 ta' Lulju 1967 u emendata fit-28 ta' Settembru 1979 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni ta' Pariġi").

2.2

Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, l-Istati li għalihom tapplika din il-Konvenzjoni jirriservaw id-dritt li jiftiehmu b'mod separat bejniethom dwar arranġamenti partikolari għall-proprjetà industrijali.

2.3

Din id-dispożizzjoni kienet il-bażi għall-adozzjoni tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade Marks matul il-Konferenza Diplomatika ta' Nizza nhar il-15 ta' Ġunju 1957, rivedut għall-aħħar darba f'Ġinevra nhar it-13 ta' Mejju 1977 u emendat nhar it-28 ta' Settembru 1979 (2). Il-Klassifikazzjoni ta' Nizza tiġi riveduta kull ħames snin minn kumitat ta' esperti.

2.4

Skont il-bażi tad-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), minn fost l-Istati Membri tal-UE r-Repubblika ta' Ċipru u r-Repubblika ta' Malta biss mhumiex partijiet fil-Ftehim ta' Nizza, però t-tnejn li huma jużaw il-Klassifikazzjoni ta' Nizza.

2.5

Il-protezzjoni tat-trade marks hija essenzjalment territorjali. Dan għaliex trade mark hi dritt tal-proprjetà li jipproteġi sinjal f'territorju definit.

2.5.1

Fil-liġi primarja tal-UE, l-Artikolu 17(2) tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

2.5.2

Barra minn hekk, l-Artikolu 118 tat-TFUE jistipula li fil-qafas tal-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu, skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, il-miżuri għall-ħolqien ta' titoli Ewropej li jiggarantixxu protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali fl-UE u għall-ħolqien ta' sistemi ta' awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u kontroll ċentralizzati fil-livell tal-UE.

2.6

Fl-Unjoni Ewropea teżisti l-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali u tat-trade mark Komunitarja fl-istess ħin. Il-proprjetarju ta' trade mark nazzjonali jista' jeżerċita d-drittijiet assoċjati ma' din it-trade mark fit-territorju tal-Istat Membru li t-trade mark tkun protetta permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Il-proprjetarju ta' trade mark Komunitarja jista' jagħmel l-istess fit-territorju tat-28 Stat Membru, għaliex it-trade mark għandha effett f'dan it-territorju kollu.

2.7

Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks kienu parzjalment armonizzati mid-Direttiva 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, ikkodifikata sussegwentement bħala d-Direttiva 2008/95/KE.

2.8

Fl-istess ħin u b'rabta mas-sistemi nazzjonali tat-trade marks, ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, ikkodifikat bħala r-Regolament (KE) Nru 207/2009, stabbilixxa sistema unika għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet unitarji li għandhom effett ugwali fl-UE kollha. F'dak il-kuntest, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) twaqqaf biex ikun responsabbli mir-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tat-trade marks Komunitarji.

2.9

Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni fetħet dibattiti pubbliċi dwar il-proprjetà intellettwali, li ħa sehem fihom il-KESE, u fl-2011 ħabbret reviżjoni tas-sistema tat-trade marks fl-Ewropa bil-għan li timmodernizzaha, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, billi tagħmilha aktar effettiva, effiċjenti u konsistenti globalment.

2.10

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, il-Kunsill talab reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (3). Il-KESE jittama li jittejjeb il-qafas legali sabiex isaħħaħ il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali min-naħa tal-awtoritajiet doganali u jiggarantixxi ċertezza legali adegwata.

2.11

Is-sistema Ewropea tat-trade marks hi bbażata fuq il-prinċipju tal-koeżistenza u l-komplementarjetà bejn il-protezzjoni tat-trade mark nazzjonali u dik Komunitarja.

2.12

Ir-Regolament dwar it-trade mark Ewropea jistabbilixxi sistema globali li tindirizza l-aspetti kollha tal-liġi sostantiva u proċedurali. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva hi limitata għall-approssimazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet biss tal-liġi sostantiva, u għalhekk il-Proposta tassumi li r-regoli sostantivi huma essenzjalment simili u li għall-inqas id-dispożizzjonijiet proċedurali prinċipali huma kompatibbli.

2.13

L-għan tal-Proposta hu li trawwem l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku billi tagħmel is-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-trade marks fl-UE kollha aktar aċċessibbli u effiċjenti għan-negozji permezz ta' tnaqqis tal-ispejjeż u l-kumplessità, żieda fir-rapidità, fil-prevedibbiltà u fiċ-ċertezza legali.

2.14

Din l-inizjattiva ta' riformulazzjoni għandha l-għanijiet konkreti li ġejjin:

l-immodernizzar u t-titjib tad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva, billi jiġu emendati d-dispożizzjonijiet skaduti, tiżdied iċ-ċertezza legali u jiġu ċċarati l-kamp ta' applikazzjoni u l-limitazzjonijiet tad-drittijiet tat-trade marks;

il-ksib ta' aktar approssimazzjoni tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar it-trade marks bil-għan li jkunu aktar konsistenti mas-sistema Komunitarja, billi:

a)

ikun hemm aktar regoli sostantivi, u

b)

jiġu introdotti r-regoli proċedurali prinċipali fid-Direttiva, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament, b'mod partikolari dawk fejn id-differenza eżistenti toħloq problemi importanti mill-perspettiva tal-utenti, u fejn tali allinjament jitqies bħala indispensabbli għall-ħolqien ta' sistema armonizzata li tikkomplementa l-protezzjoni tat-trade marks fl-Ewropa;

tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji tal-Istati Membri u l-UASI sabiex jippromovu l-konverġenza tal-prattiki u l-iżvilupp ta' għodod komuni, billi tiġi stabbilita bażi legali adatta għal din il-kooperazzjoni.

2.15

Il-Proposta għal Direttiva, minn banda, taġġorna u ttejjeb id-dispożizzjonijiet attwali rigward:

id-definizzjoni ta' trade mark, billi tipprevedi l-possibbiltà li jiġu reġistrati trade marks li jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta' mezzi teknoloġiċi li joffru garanziji sodisfaċenti;

id-drittijiet mogħtija minn trade mark kummerċjali, kif stabbilit fl-Artikoli 10 u 11 li jirrigwardaw id-drittijiet mogħtija bla ħsara għal drittijiet preċedenti; il-każijiet ta' identità doppja; l-użu ta' isem tal-kummerċ jew ta' kumpanija; l-użu ta' reklamar komparattiv; il-kunsinni minn fornituri kummerċjali; il-beni mdaħħla fit-territorju doganali; l-atti preparatorji u l-limitazzjoni tal-effetti ta' trade mark.

2.16

Mill-banda l-oħra, il-Proposta tipprova tilħaq approssimazzjoni akbar tal-liġi sostantiva permezz tal-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali; il-protezzjoni ta' trade marks b'reputazzjoni; l-enfasi fuq it-trade marks bħala proprjetà, peress li jistgħu jkunu soġġetti għal ċessjoni tad-drittijiet reali, u r-regolazzjoni tat-trade marks kollettivi.

2.17

Fir-rigward tal-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali prinċipali, il-Proposta tindirizza l-ħatra u l-klassifikazzjoni tal-merkanzija u s-servizzi; l-eżami ex officio; il-miżati; il-proċedura ta' oppożizzjoni; in-nuqqas ta' użu bħala difiża fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni; il-proċedura għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità; u n-nuqqas ta' użu bħala difiża fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

2.18

Il-Proposta timmira wkoll li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji. B'mod komplementari mal-qafas legali tal-kooperazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament, l-Artikolu 52 jistabbilixxi l-bażi legali għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-UASI u l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali tal-Istati Membri.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea, li hi partikolarment f'waqtha f'kuntest ekonomiku globali li hu kompetittiv ħafna u fi żmien meta l-ekonomija fl-Ewropa battiet.

3.1.1

F'dan il-kuntest, it-trade mark tikkontribwixxi, minn naħa, għall-ħolqien ta' valur intraprenditorjali u l-fiduċja tal-klijenti, u min-naħa l-oħra, għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

3.1.2

Dan l-aħħar aspett huwa importanti ħafna hawnhekk għal diversi raġunijiet:

l-ewwel nett, għax il-protezzjoni tat-trade marks tnaqqas l-ispejjeż tat-tfittix tal-konsumaturi;

it-tieni, għax tiggarantilhom livell ta' kwalità konsistenti li jobbliga lill-produttur jieħu ħsieb il-kontenut tal-prodott jew tas-servizz;

it-tielet, għax tirrikjedi investiment fit-titjib u l-innovazzjoni li jsaħħaħ il-fiduċja kummerċjali tal-konsumaturi.

3.2

Il-Proposta għal Direttiva ser ittejjeb b'mod sinifikanti l-qafas legali attwali tal-liġijiet tal-Istati Membri bi tliet modi:

ser tissemplifika s-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-trade marks fl-UE kollha, u b'hekk jonqsu l-ispejjeż u jitħaffu l-proċeduri;

ser ikun hemm ċertezza legali li tirriżulta mit-titjib tal-komplementarjetà bejn ir-regoli interni u dawk sopranazzjonali f'dan il-qasam, u mill-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti; u fl-aħħar nett,

ser iżżid il-livelli ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, l-aktar permezz tal-kjarifika tas-sistema għall-merkanzija fi tranżitu, l-inklużjoni ta' kriterji ġodda għar-reġistrazzjoni, bħal ngħidu aħna l-marki bil-ħoss, u ċerti speċifikazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-lingwi mhux tal-UE, u oħrajn.

3.3

Tinkludi wkoll, fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi, kummerċjali u legali, innovazzjonijiet importanti bħad-definizzjoni ta' trade mark, li tippermetti rappreżentazzjoni minn mezzi grafiċi oħra, li tippermetti identifikazzjoni aktar preċiża tat-trade mark, u l-possibbiltà li jiġu reġistrati trade marks li jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta' mezzi teknoloġiċi li joffru garanziji sodisfaċenti.

3.4

Huwa pożittiv li l-Proposta tipprova tilħaq approssimazzjoni akbar tal-liġi sostantiva, pereżempju billi jiġu miżjuda l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali; il-protezzjoni ta' trade marks b'reputazzjoni; it-trattament tat-trade marks bħala proprjetà, bħalma huma ċ-ċessjoni tad-drittijiet reali u l-aspetti essenzjali tal-użu kummerċjali. L-introduzzjoni tat-trade marks kollettivi u l-marki ta' garanzija fil-Proposta għal Direttiva hi importanti ħafna sew għall-intrapriżi u sew għall-konsumaturi.

3.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jilqa' l-armonizzazzjoni tar-regoli proċedurali prinċipali għaliex b'hekk jinħolqu regoli komuni għall-ħatra u l-klassifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, b'konformità mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, u l-eżami ex officio, il-proċedura ta' oppożizzjoni u l-proċedura għal revoka jew dikjarazzjoni ta' invalidità.

3.6

Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kumitat huwa pożittiv li l-proċedura tat-tħejjija tal-Proposta għal Direttiva saret b'livell għoli ta' pubbliċità u ta' parteċipazzjoni tas-setturi kkonċernati tas-soċjetà ċivili.

3.7

Madankollu, il-Kumitat għandu xi oġġezzjonijiet għall-għan u l-kontenut tal-Proposta, mingħajr ħsara għall-emenda proposta tar-Regolament attwali (KE) Nru 207/2009, li stabbilixxa sistema unika għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet unitarji, u li jsawwar il-pakkett leġislattiv flimkien mal-Proposta għal Direttiva.

3.8

F'dan il-kuntest, il-Kumitat huwa sorpriż li ntalbitx l-opinjoni konsultattiva tiegħu dwar il-Proposta COM(2013) 161 final tas-27.3.2013 li temenda r-Regolament imsemmi hawn fuq dwar il-marka kummerċjali Komunitarja.

3.9

Peress li dan l-att għandu impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (Artikolu 118 tat-TFUE) u jaffettwa l-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 169 tat-TFUE), interpretazzjoni kuntestwali u konsistenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, li jagħtu b'mod espliċitu lill-Kumitat rwol konsultattiv f'dawn l-oqsma, titlob il-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Kumitat fil-proċess leġislattiv tal-adozzjoni ta' dan l-att.

3.10

F'dan ir-rigward, il-liġi tal-UE tagħti lill-proprjetarju ta' trade mark kemm l-użu esklużiv tagħha bi skop ta' qligħ (ius utendi) kif ukoll il-possibbiltà li jimpedixxi li l-użu tagħha jiġi kompromess mill-azzjonijiet ta' partijiet terzi li jimitaw jew jużaw b'mod inadegwat is-sinjali distintivi tagħha (ius prohibendi), Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.

3.11

Madankollu, il-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ ma tistabbilixxix b'mod preċiż il-kundizzjonijiet li fihom il-proprjetarju ta' trade mark jista' jieħu l-miżuri rilevanti biex jimpedixxi l-azzjonijiet imsemmijin.

3.11.1

Għalkemm il-Proposta għal Direttiva żżid b'mod sinifikanti n-numru ta' sitwazzjonijiet meta l-proprjetarju tat-trade mark jista' jimpedixxi l-użu tagħha minn partijiet terzi (Artikolu 10), u tistabbilixxi dispożizzjoni ġdida f'dan ir-rigward, jiġifieri l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju permezz tal-użu ta' preżentazzjoni, imballaġġ jew mezzi oħra (Artikolu 11) jew tal-użu ta' trade mark reġistrata f'isem ta' aġent jew rappreżentant (Artikolu 13), huwa l-imħallef kompetenti li jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni eżatt ta' dan id-dritt f'każ li tinbeda proċedura ġudizzjarja mill-parti kkonċernata.

3.11.2

Għalhekk ser ikun f'idejn kull korp ġudizzjarju li jistabbilixxi jekk jeżistix ir-riskju ta' konfużjoni jew sjieda inadegwata tat-trade mark protetta minn parti terza, u f'każ li jkun jeżisti, hu jiddetermina wkoll il-kumpens li għandu jingħata lill-proprjetarju skont it-talba mressqa.

3.11.3

Konsegwentement, il-Proposta għal Direttiva ma toffrix protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-użu t-trade mark mill-proprjetarju, u lanqas tad-drittijiet tal-konsumaturi meta dawn jistgħu jkunu affettwati mill-użu inadegwat jew qarrieqi ta' trade mark kummerċjali.

3.12

Għalhekk, il-komplementarjetà bejn is-sistema sopranazzjonali u s-sistemi interni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju ta' trade mark tinvolvi riskju ċar fir-rigward tal-aħjar effiċjenza u prontezza possibbli tal-protezzjoni, b'konformità mal-għanijiet tal-Proposta għal Direttiva.

3.12.1

B'hekk, pereżempju, ma jiġix garantit li ser jingħelbu d-differenzi interni li jirriżultaw mit-traspożizzjoni skorretta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48/KE (fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) rigward il-miżuri biex tiġi żgurata azzjoni ta':

inibizzjoni, inkluża l-possibbiltà li tinqered il-merkanzija u l-mezzi użati għall-manifattura tagħha, jew l-impożizzjoni ta' multi;

kumpens għad-danni u l-ħsara, jew il-possibbiltà li tiġi ppubblikata s-sentenza rilevanti.

3.12.2

Din l-inċertezza legali tkun aktar gravi jekk id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark jinkisru f'diversi Stati Membri.

3.13

Aktar u aktar għaliex il-Proposta għal Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jagħmlu din il-protezzjoni aktar kumplessa.

3.13.1

Pereżempju, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 (Raġunijiet assoluti għal rifjut jew nullità) jistabbilixxi li "[t]rade mark għandha tkun suxxettibbli li tiġi dikjarata invalida meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tkun saret in mala fede mill-applikant" u li "[k]walunkwe Stat Membru jista' jipprovdi wkoll li tali trade mark ma tiġix reġistrata".

3.14

Billi skont l-UASI l-kunċett ta' mala fede jeskludi n-nuqqas ta' intenzjoni ta' użu, liema awtorità ser tistabbilixxi kriterji uniformi biex l-evalwaturi kompetenti jkunu jistgħu jiddeterminaw jekk jeżistux aspetti oħra li jindikaw mala fede?

3.15

Dan in-nuqqas leġislattiv huwa paradossali jekk titqies id-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 10(5) tal-Proposta għal Direttiva, li tintitola lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata li jevita li partijiet terzi jġibu merkanzija minn territorji li ma jagħmlux parti mit-territorju tal-unjoni doganali mingħajr ma tkun rilaxxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera. Għalhekk, hawnhekk il-Proposta ma ssegwix il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-merkanzija fi tranżitu (Kawżi C-446/09 u C-495/09, Philips/Nokia), u tinvalida kull preżunzjoni jew prova dwar il-bona fede tal-partijiet terzi kkonċernati (4).

3.16

Mill-banda l-oħra, m'hemmx dubju li l-prevenzjoni u t-trażżin ta' dan it-tip ta' prattiki kummerċjali illeċiti jissaħħu jekk il-Proposta għal Direttiva tistabbilixxi bażi legali speċifika li tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li żżid l-azzjoni tagħha permezz tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati terzi li l-intrapriżi tagħhom iwettqu dawn il-prattiki b'mod ġeneralizzat u sistematiku.

3.17

Lanqas mhu biżżejjed dak li hu previst fl-Artikolu 45(1) tal-Prospota għal Direttiva, jiġifieri li b'mod ġenerali "[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu proċedura amministrattiva effiċjenti u bil-ħeffa quddiem l-uffiċċji tagħhom għal oppożizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni ta' trade mark għar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 5". Hemm bżonn li tiġi konkretizzata aktar in-natura ta' din il-proċedura, u għandu jiġi stabbilit bil-liġi perjodu raġonevoli li fih iridu jaġixxu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b'konformità mal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Id-dritt għal amministrazzjoni tajba).

3.18

B'mod simili, l-effiċjenza u l-prevedibbiltà marbutin mal-protezzjoni sopranazzjonali tal-proprjetarji ta' trade mark jirrikjedu li jiġi rivedut il-kontenut ta' dispożizzjonijiet oħra tal-Proposta għal Direttiva, bħall-Artikolu 44 u l-Artikolu 52. Fir-rigward tal-Artikolu 44, li jistabbilixxi miżata (ġenerika) addizzjonali għal kull klassi ta' merkanzija u servizzi lil hinn mill-ewwel klassi li għandha tiġi inkluża fit-talba għall-ewwel reġistrazzjoni, għandu jiġi stabbilit massimu għal din il-miżata.

3.19

Min-naħa l-oħra, b'rabta mal-Artikolu 52, li jistabbilixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UASI sabiex jippromovu l-konverġenza tal-prattiki u l-għodod u jiksbu riżultati koerenti fl-analiżi u r-reġistrazzjoni tat-trade marks, għandu jkun hemm dispożizzjoni speċifika li b'konformità mal-Artikolu 291(2) tat-TFUE tagħti l-kompetenzi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' "kodiċi tal-kondotta" vinkolanti.

3.20

Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-UASI u l-uffiċċji nazzjonali rispettivi għandha titqies bħala kwistjoni ta' interess komuni, b'konformità mal-Artikolu 197 tat-TFUE. F'dan il-qasam ikun tajjeb li jiġu skambjati l-informazzjoni u l-persunal u li jiġu appoġġjati programmi ta' taħriġ, billi jiġi stabbilit baġit pubbliku għal dan il-għan.

3.21

B'mod ġenerali, fis-snin li ġejjin dan il-proċess kollu ta' armonizzazzjoni għandu jwassal għall-allinjament tal-liġijiet dwar it-trade marks, u għandu jiġi adottat kodiċi tat-trade marks tal-UE li jistabbilixxi, fost aspetti oħra, il-ħolqien ta' proċedura flessibbli, uniformi u ekonomika li tagħti l-possibbiltà lill-partijiet interessati li jagħżlu b'mod volontarju li jirreġistraw it-trade mark.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Recueil des traités des Nations unies [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti], Vol. 828, Nru 11851, p. 305.

(2)  Recueil des traités des Nations unies [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti], Vol. 818, nru I-11849.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:196:0007:0014:mt:PDF ĠU L 196, 2.8.2003, p. 7.

(4)  L-Artikolu 10(5) tal-Proposta għal Direttiva jgħid hekk: "Il-proprjetarju ta' trade mark reġistrata għandu jkun intitolat ukoll jipprevjeni lill-partijiet terzi kollha milli jġibu merkanzija, fil-kuntest ta' attività kummerċjali, fit-territorju doganali tal-Istati Membri fejn it-trade mark hija reġistrata mingħajr ma tkun rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera meta, tali merkanzija, inkluż l-imballaġġ, tiġi minn pajjiżi terzi u jkollha mingħajr awtorizzazzjoni trade mark li hija identika għat-trade mark reġistrata fir-rigward ta' tali merkanzija, jew li ma tistax issir distinzjoni fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trade mark." Fil-qosor, b'dan il-mod jinħoloq mekkaniżmu deċiżiv li jindirizza l-falsifikazzjoni tal-merkanzija prodotta barra mill-UE u ma jippermettix li l-partijiet interessati jibbenefikaw mill-fizzjoni legali li l-merkanzija fi tranżitu ma tidħolx fit-territorju doganali tal-UE.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar”

COM(2013) 207 final — 2013/0110 (COD)

2013/C 327/10

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar it-2 ta' Mejju 2013 u l-21 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 50(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċertu kumpaniji u gruppi kbar

COM(2013) 207 final – 2013/0110 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013, (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’95 vot favur, 31 vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni rigward il-modifiki għad-Direttivi dwar il-Kontabbiltà, kemm fil-qasam tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja kif ukoll fil-qasam tar-rappreżentazzjoni tad-diversità tal-maniġment superjuri. Dawn il-bidliet limitati jikkontribwixxu għat-titjib fil-qafas tal-governanza tal-intrapriżi tal-UE (1).

1.2

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jqisu l-bilanċ li ntlaħaq minn dawn il-modifiki li jżidu t-trasparenza fil-qasam ambjentali, soċjali, soċjetali u tal-governanza. Il-proposta tal-Kummissjoni tifforma strument flessibbli u adatt biex itejjeb il-komunikazzjoni lejn l-azzjonisti, l-investituri, l-impjegati, u l-partijiet oħra interessati. Din il-proposta tindirizza biss lill-kumpaniji l-kbar biex tevita li timponi rekwiżiti ulterjuri fuq l-intrapriżi ta' daqs iżgħar.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1

Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-fatt li l-elementi li ġejjin inġiebu flimkien b'mod ibbilanċjat, jippermetti li tingħata informazzjoni mhux finanzjarja lill-azzjonisti fl-Assemblej Ġenerali u lill-partijiet interessati fil-kumpaniji l-kbar. Dan kollu jirrispondi għall-għanijiet ta' trasparenza u ta' koerenza mħabbra.

Informazzjoni mhux finanzjarja ta' sustanza hija inkluża fir-rapport amministrattiv annwali;

din l-informazzjoni tirrigwarda partikolarment il-kwistjonijiet dwar l-ambjent, dawk soċjali u tal-persunal, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

din l-informazzjoni tirrigwarda l-politiki li l-intrapriża timplimenta fil-qasam, ir-riżultati ta' dawn il-politiki kif ukoll ir-riskji u l-inċertezzi marbutin ma' dawn il-kwistjonijiet u l-mod li bih l-intrapriża tiġġestihom;

id-disposiżittiv japplika għall-kumpaniji kollha tal-kumpaniji ta' kapital koperti mill-ambitu tad-Direttivi attwali dwar il-kontabbiltà;

b'limitu ta' applikazzjoni għall-kumpaniji li għandhom aktar minn 500 impjegat u li t-total tal-bilanċ jaqbeż EUR 20 miljun jew li l-fatturat tagħhom ikun iktar minn EUR 40 miljun, li jeżenta lill-SMEs minn dan l-obbligu;

l-intrapriżi għandhom il-possibbiltà li jsegwu l-oqsfa nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali li jiddefinixxu l-prinċipji u/jew l-indikaturi;

kull intrapriża tipprijoritizza l-informazzjoni rilevanti għaliha kif ukoll linji gwida dwar il-pubblikazzjoni tar-rapporti;

l-użu tal-metodu "konformità jew spjegazzjoni", jobbliga li jingħata rendikont filwaqt li jitħalla ċertu ammont ta' diskrezzjoni lill-intrapriża fil-każ li fil-fehma tagħhom l-assenza ta' informazzjoni hija ġustifikabbli;

il-flessibbiltà tad-dispożittiv jippermetti li ma jikbirx il-piż amministrattiv, b'mod partikolari minħabba l-possibbiltà offruta li jkompli jiġi mfassal rapport apparti li jirrispondi għall-istess eżiġenzi u li jkun parti integrali mir-rapport amministrattiv.

2.2

Fid-dawl ta' dan il-bilanċ, il-Kumitat iqis li l-adozzjoni ta' proposta għal Direttiva li timmodifika d-Direttivi dwar il-Kontabbiltà wasslet f'mument propizju:

f'perjodu li fih is-soċjetajiet ċivili huma dejjem aktar attenti għall-impatt tal-intrapriżi fuq il-komunità, u trasparenza akbar qed tintalab mill-Istati u mill-qasam tan-negozju u li fih qed jiżviluppa l-investiment soċjalment responsabbli (2);

f'kuntest li fih il-leġislazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali mhux finanzjarji tal-Istati Membri jibqgħu differenti iżda konverġenti, li r-riferimenti internazzjonali bħal dawk tal-OECD u tal-ILO ġew riveduti f'dawn l-aħħar għaxar snin, inħoloq l-istandard ISO 26000 u ġew perfezzjonati strumenti ta' rapportar mhux finanzjarju bħal dawk tal- Global Reporting Initiative (GRI) tal-European Federation of Financial Analysis Societies (EFFAS), tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, ta' korpi li janalizzaw il-kumpaniji u referenzi settorjali;

f'mument li fih fil-livell Ewropew, bħal dak internazzjonali, qed jinsiltu l-lezzjonijiet mill-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u ekololġiċi, li jkabbru l-ħtieġa għat-trasparenza (3) fil-qasam tal-investiment, tal-fiskalità u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-aktar fl-industriji tal-estrazzjoni;

li fih inbnew ċerti għodod biex ikejlu l-impatt ekoloġiku tal-attivitajiet produttivi, bħall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti, il-marka ekoloġika, il-kalkolu tal-ispejjeż tal-esternalitajiet negattivi;

u li fih ċerti intrapriżi jirrispondu għall-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi responsabbli billi joffru oġġetti u servizzi aktar sostenibbli, pereżempju billi jevitaw l-iskadenza ppjanata u billi jiffavorixxu l-kummerċ ekwu.

2.3

Il-Kumitat huwa sodisfatt li dawn il-bidliet fid-Direttivi tal-kontabbiltà jiftħu ċerti prospettivi peress li:

għandhom it-tendenza li jdaħħlu l-kwistjonijiet tal-ESG fl-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-intrapriża;

isaħħu r-rwol tal-assemblej ġenerali u l-prinċipji għall-investiment responsabbli;

joffru garanziji u flessibbiltà li jippermettu lill-intrapriżi kollha li jħarsu lejn ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji bħala l-aspett mikroekonomiku tal-iżvilupp sostenibbli, li jieħdu impenn f'din id-direzzjoni progressiva;

jadotta mod ġdid ta' preżentazzjoni u ta' deċiżjoni fl-istrateġija tal-intrapriżi li jiffavorixxi t-tisħiħ fit-tul tar-relazzjonijiet bejn il-fergħat u ras il-grupp.

2.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

l-intrapriżi jippubblikaw l-effetti pożittivi u negattivi tal-azzjoni tagħhom fuq is-soċjetà;

l-intrapriżi jinkludu fir-rapport tagħhom jekk għandhomx rappreżentanti tal-ħaddiema fuq il-bord;

li l-istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema jiġu infurmati u kkonsultati meta jiġi mfassal ir-rapport amministrattiv;

li l-għarfien espert dwar il-parti ESG tar-rapport jingħata minn persuni kompetenti f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari dawk soċjali u ambjentali;

li l-intrapriżi li joħorġu l-kuntratti jikkomunikaw dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-katina tal-provvista tagħhom jew il-katina tal-valur, b'mod partikolari fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem;

li intrapriżi li m'humiex soġġetti għad-direttiva jużaw b'mod volontarju din id-dinamika ta' trasparenza biex itejbu il-mod tagħhom kif jiġġestixxu n-negozju;

li l-Istati Membri jdaħħlu l-kwalità tar-rendikont mhux finanzjarju fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji;

li fil-qafas tat-traspożizzjoni, l-Istati Membri li jħossu l-ħtieġa jbaxxu l-livell meħtieġ biex jiddaħħal għadd sinifikanti ta' intrapriżi nazzjonali jiġu;

li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tibda jew tiffaċilita proċess li jassoċja "diversi partijiet interessati" (4) biex jiġu definiti aħjar il-prinċipji gwida u l-istandards ta' referenza li ser jiffaċilitaw it-tqabbil u eventwalment l-armonizzazzjoni;

fil-politiki tagħha li jippromovu u jżidu l-informazzjoni dwar is-CSR hekk kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni għandha tissuġġerixxi lill-kumpaniji rilevanti li jużaw dawn l-istandards internazzjonali bħala gwida dwar l-għoti ta' informazzjoni mhux finanzjarja li jikkonformaw l-iktar mad-definizzjoni ġdida tagħha tas-CSR.

2.5

Il-Kumitat japprova l-modifika proposta għar-raba' direttiva li tirrigwarda l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-politika tad-diversità adottata mill-intrapriża fil-korpi ta' governanza tagħha.

2.6

Huwa jenfasizza li l-kunsilli amministrattivi jew ta' sorveljanza m'humiex l-uniċi kkonċernati u li jista' jkun utli li l-politika tad-diversità tasal ukoll fil-kumitati tal-kunsill, b'mod partikolari l-kumitat tal-awditjar.

2.7

Huwa jfakkar li l-aspirazzjonijiet marbutin ma' sehem in-nisa fil-kunsilli għadhom ma ntlaħqux fil-parti l-kbira tal-Istati Membri (5).

2.8

Huwa jqis li fost il-kriterji tad-diversità għandu jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-amministraturi impjegati li jaslu mid-dinja tax-xogħol, b'mod partikolari tal-Kumitat tal-Intrapriża Ewropea, b'mandat mill-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins.

2.9

Fl-aħħar il-Kumitat jirrakkomanda lil-Kummissjoni tinkwadra din ir-reviżjoni b'dispożizzjoni ta' nonrigressjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti u li tevalwa l-impatt ta' dawn l-emendi tad-Direttivi tal-kontabbiltà fuq il-prattiki tal-intrapriżi fil-qasam tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

3.   Elementi tal-kuntest

3.1

Din il-proposta ta' modifika tad-Direttivi dwar il-kontabbiltà tkompli mal-isforzi li saru mill-Green Paper tal-2001 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (6), li ġiet kompletatat mill-Komunikazzjoni tal-2006 (7), u tirrispondi għall-impenji mħabbra f'dan il-pjan ta' ħidma tal-komunikazzjoni tal-2011 (8). Din il-modifika saret meħtieġa wara r-riżultati tal-istudju tal-impatt li juri l-limiti tal-effikaċja tal-informazzjoni mhux finanzjarja ppubblikata mill-intrapriżi u dan kompla ssaħħaħ sew bil-kontributi tal-konsultazzjoni pubblika. L-informazzjoni m'hijiex kollha tal-istess kwalità. Barra minn hekk l-għadd ta' intrapriżi huwa insuffiċjenti.

3.2

It-tisħiħ tat-trasparenza tas-soċjetajiet fil-qasam soċjali u ambjentali ġie mħabbar f'April 2011 fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Att għas-Suq Uniku.

3.3

Fl-2005, mill-Opinjoni dwar l-istrumenti tal-kejl u ta' informazzjoni (9), il-Kumitat qies ir-raba' direttiva dwar ir-rapporti annwali, li fiha dispożizzjoni dwar informazzjoni mhux finanzjarja li toffri l-possibbiltà lill-intrapriżi li jagħtu ċerta informazzjoni pubblika dwar l-aspetti soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tagħhom. Fl-2012, il-Kumitat appoġġja lill-Kummissjoni fl-għan tagħha li ssaħħaħ id-diversità fi ħdan il-kunsilli amministrattivi jew ta' sorvejanza. Fl-Opinjoni tal-2012 (10) dwar il-Komunikazzjoni tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, il-Kumitat fakkar dwar il-pożizzjoni tiegħu favur rapport mhux finanzjarju obbligatorju.

3.4

Ir-Renju Unit kien l-ewwel Stat Membru li mill-1992 daħħal kodiċi fil-governanza tal-intrapriża (imsejjaħ il-kodiċi Cadbury) (11) li introduċiet il-metodu "konformità jew spjegazzjoni". B'dispożizzjonijiet varji, dan l-approċċ ġie adottat minn pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja u d-Danimarka. Il-flessibbiltà tal-metodu tippermetti li għal xi oqsma sensittivi l-kumpaniji għandhom id-dritt ta' riżerva fuq informazzjoni bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li l-effikaċja tagħha tista' tirrikjedi ċerta diskrezzjoni, u anke kunfidenzjalità.

3.5

Diversi Stati Membri, fosthom Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, l-Isvezja u Spanja adottaw liġijiet matul dawn l-aħħar għaxar snin bil-għan li joffru qafas nazzjonali ta' rappurtaġġ sabiex ljiġu armonizzati l-istandards Ewropej.

3.6

Ftehim Ewropew dwar it-trasparenza tas-settur tal-estrazzjoni ġie mfassal taħt il-Presidenza Irlandiża, huwa jirrevedi d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. Issa, id-Direttiva timponi t-trasparenza (għal kull pajjiż u għal kull proġett) għall-flussi kollha finanzjarji mħallsa mill-intrapriżi Ewropej tas-settur tal-estrazzjoni u tal-forestrija fil-pajjiżi kollha fejn dawn jaħdmu.

3.7

Fir-riżoluzzjoniji tiegħu ta' Frar 2013 (12), il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-importanza għall-intrapriżi li jippubblikaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, bħall-fatturi soċjali u ambjentali, biex jidentifikaw ir-riskji fil-qasam tas-sostenibbiltà u jżidu l-fiduċja tal-investituri u tal-konsumaturi. Il-PE talab lill-Kummissjoni li tippreżenta proposta dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja mill-intrapriżi.

3.8

F'kuntest ta' kriżi li fihom l-opinjonijiet tal-pubbliku Ewropew qed jitolbu lill-intrapriżi li jkunu aktar etiċi, il-prattiki tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji huma rikonoxxuti bħala fatturi li jistgħu jikkontribwixxu għall-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea, il-politika tagħha ta' żvilupp kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Hija tippromovi d-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili (djalogu soċjetali). Hija trid twassal ukoll biex ikun hemm komprensjoni aħjar tar-realtajiet fil-katina kollha tas-sottokuntratti. Fatti bħall-katastrofi fil-bini Rana Plaza fil-Bangladexx ifakkruna fil-ħtieġa li nkunu attenti għar-responsabbiltajiet ta' dawk li jagħmlu l-ordnijiet.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 91.

(2)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 33.

(3)  L-Opinjoni tal-KESE dwar "Il-liġi Ewropea dwar il-kumpaniji u l-governanza korporattiva" (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(4)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

(5)  ĠU C 133, 9.05.2013, p. 68.

(6)  COM(2001) 366 final.

(7)  COM(2006) 136 final u ĠU C 286, 17.11.2005, p. 12 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2011) 681 final u ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.

(9)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 12 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.

(11)  "L-aspetti finanzjarji tal-governanza korporattiva", 1.12.1992.

(12)  Riżoluzzjoni 2012/2098 (INI) rapporteur: is-Sur Raffaele Baldassarre.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Ibdel it-test fl-Opinjoni CES3548-2013_00_00_TRA_AS bit-test kif ġej:

1.   Kummenti ġenerali

1.1

Il-KESE jiġġudika l-proposta ta' Direttiva superfluwa (partikolarment għal dak li hu l-obbligu ta' divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar il-“politika ta' diversità”), peress li jqis li m'huwiex utli li jiġi adottat fil-qasam tad-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-livell Ewropew. B'mod ġenerali, il-KESE ma jidentifika l-ebda valur miżjud fundamentali li d-Direttiva ġġib meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, u jibża', għall-kuntrarju li eventwalment jiżdied il-piż amministrattiv.

1.2

Il-KESE jqis li t-trasparenza hija parti integrali ta' tmexxija moderna ta' intrapriża. L-intrapriżi Ewropej juru li huma trasparenti biżżejjed fid-dawl tal-leġislazzjoni attwali. Fl-Ewropa, ir-responsabbiltà soċjali hija l-kompetenza tal-intrapriża, hija tifforma parti mill-istrateġija tagħhom u ssir fuq bażi volontarja. Anke f'perjodu ta' kriżi, l-intrapriżi Ewropej ma naqqsux il-livell tagħhom ta' trasparenza jew ta' responsabbiltà.

1.3

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li ċerti partijiet interessati kif ukoll il-pubbliku in ġenerali iħoss il-bżonn ta' trasparenza akbar tal-politiki tal-intrapriżi partikolarment meta tirrigwarda l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni soċjali u ambjentali, u b'mod partikolari meta dan jirrigwarda intrapriżi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f'pajjiżi terzi bħall-intrapriżi estrattivi fl-Afrika (rikju għall-ambjent, korruzzjoni), l-intrapriżi tat-tessili fl-Ażja (sfidi soċjali, drittijiet tal-bniedem,) etc.

1.4

L-uniku valur miżjud li wieħed jista' jirrikonoxxi fil-proposta jinsab fil-fatt li hi tindirizza l-problema tar-riskji, id-definizzjoni tagħhom, il-ġestjoni u l-obbbligu li jiġu dikjarati. Dan jista' jippermetti lill-intrapriżi li jiġġestixxu aħjar ir-riskji u l-okkażjonijiet, u b'hekk li jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom aħjar marbutin mal-attivitajiet mhux finanzjarji. Iżda anke f'dan il-każ, jekk l-intrapriża kkonċernata għandha tkun tista' tiddeċiedi jekk tixtieqx tagħmel dan jew le.

2.   Dwar l-informazzjoni mhux finanzjarja

2.1

Il-KESE jaf li l-mod ġenerali li meta wieħed jinforza t-trasparenza, wieħed ikun qed jikkontribwixxi b'mod essenzjali għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Komparabbiltà aħjar tal-informazzjoni relattiva għat-tħaddim tal-intrapriżi jista' jkollha influwenza fuq l-effikaċja tad-deċizjonijiet meħuda mill-investituri u l-azzjonisti.

2.2

Il-KESE jqis li l-metodu ta' pubblikazzjoni attwali tal-informazzjoni mhux finanzjarja u l-ambitu tagħha huma ta' kwalità tajba u sudisfaċenti għall-għan segwit. Id-data l-ġdida li qed tiġi proposta li tiġi publikata b'mod obbligatorju toħloq piż eċċessiv, li jmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-KESE jippreferi għaldaqstant, li l-proposta teżiġi biss l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li tkun verament pertinenti, li tkun ċara, biex l-intrapriżi ma jħossux li qed jiġu imposti fuqhom piżijiet amministrattivi eċċessivi u li l-porposta mressqa, fl-istess waqt, tagħti valur miżjud ottimali lill-utenti ta' din l-informazzjoni (investituri, azzjonisti u impjegati).

2.3

Il-KESE jippreferi li l-intrapriżi jippubblikaaw l-informazzjoni mhux finanzjarja biss jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan. B'konformità ma' dan l-approċċ, il-KESE jipproponi li l-kontenut tal-artikoli 1 u 2 tal-proposta ta' Direttiva jinbidlu.

2.4

Il-proposta tipprevedi li l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju ma jkollhomx l-obbligu li jippubblikaw l-informazzjoni mhux finanzjarja li huwa koerenti mal-għanijiet fit-tul tal-Unjoni Ewropea li tixtieq li tħaffef il-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi.

2.5

Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet tal-proposta li qed tiġi eżamintat li tipprevedi d-dikjarazzjoni tal-informazzjoni mhux finanzjarja fir-rapport ta' ġestjoni annwali, kif ukoll il-verifika tagħha minn kontrollur legali tal-kontijiet, ikunu kemm kumplessi kif ukoll diffiċli biex jinftehmu; f'dan ir-rigward ikun aħjar li tiġi żviluppata gwida prattika magħha. Il-leġislazzjoni Ewropea tesiġi li l-kontrollur legali tal-kontijiet jagħti opinjoni dwar il-koerenza bejn ir-rapport ta' ġestjoni u l-kontijiet annwali, fid-dawl li dawn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ jeżiġu li dan ir-rapport ta' ġestjoni jkun fih kontijiet annwali u r-rapport tal-kontrollur legali tal-kontijiet u eventwalment dokumenti oħra. Il-verifika tal-informazzjoni mhux finanzjarja tista' madankollu tirriżulta verament problematika u għalja. Hemm bżonn li l-eżiġenzi publikati jiġu definiti fir-rapport ta' ġestjoni annwali, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa li ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-utenti ta' dawn ir-rapporti b'informazzjoni nieqsa mill-pertinenza. Il-KESE ser jippromovi l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja f'dawn id-dokument li għalihom hemm bżonn ta' kontroll legali.

3.   Dwar id-diversità

3.1

Il-KESE jaħseb li l-pubblikazzjoni obbligatorja ta' “politika ta' diversità” hija piż amministrattiv żejjed mhux iġġustifikat u li l-effetti pożittivi tiegħu m'humiex pruvati. Il-KESE jqis li l-impożizzjoni fuq entitajiet privati tal-implimentazzjoni ta' “politika ta' diversità”, u b'mod partikolari li jiġu obbligati li jippubblikaw “politika ta' diversità” għall-intrapriża, jew anke li jispjegaw ir-raġunijiet għaliex kumpanija ma wettqitx din il-politika, huma indħil inġustifikat fil-libertà li wieħed jintraprendi u fil-libertà tad-deċiżjoni tal-propjetarji tal-kumpaniji. Il-Kumitat jirrifjuta b'qawwa dan l-indħil bħala tali. Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar soċjetà trid tirrispetta għal kollox id-deċiżjoni ħielsa ta' din il-kumpanija, li għaliha pubblikazzjoni bħal din tistax tagħti vantaġġ lill-konkorrenti jew le. Il-KESE jopponi wkoll il-miżuri kollha li jirrigwardaw il-produzzjoni ta' informazzjoni ddettaljata rigward il-politika tad-diversità, u għal diversi raġunijiet.

3.2

L-ewwel, irid jiġi enfasizzat li l-pubblikazzjoni ta' politika tad-diversità li tirrigwarda l-kompożizzjoni tal-korpi ta' kumpanija ma jinfluwenzawx la t-tmexxija u l-anqas il-prestazzjoni ta' din is-soċjetà għall-kuntrarju ta' dak li huma dikjarat b'mod sbaljat fir-raġunijiet. Il-KESE huwa tal-fehma li huma l-propjetarji jew l-azzjonisti tal-kumpanija li għandhom jiddeċiedu dwar il-persuni li jmexxuha, liema jkunu l-mekkaniżmi ta' kontroll tat-tmexxija u liema rwol f'dan il-proċess ikollhom il-membri tal-korpi ta' sorveljanza u ta' amministrazzjoni. It-tħaddim ta' soċjetà jiddependi fuq kollox mir-responsabbiltà li għandu l-propjetarju jew l-azzjonista, li tkopri wkoll ir-riskju li dawn l-aħħar jistgħu jagħmlu telf minħabba li jkunu ttieħdu deċiżjonijiet ħżiena fl-intrapriża. Billi l-kompożizzjoni tal-korpi ta' sorveljanza u amministrattivi tinbidel b'mod artifiċjali, wieħed jista' biss ifixkel l-istat attwali ta' fonzjonament tajjeb li hemm bħalissa.

3.3

Fl-ebda każ, il-Kummissjoni Ewropea m'għandha tindaħal fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm pereżempju dwar in-numru ta' diretturi, il-kwalifika tagħhom, l-età jew il-ġeneru. Ma jirriżultax mill-analiżi tal-istudju tal-Kummissjoni Ewropea li hemm xi rabta diretta bejn l-età, il-ġeneru jew kunsiderazzjonijiet oħra u l-prestazzjoni tal-kumpanija; u anke kieku dak kien il-każ, dan xorta ma jiġġustifikax indħil awtoritarju dwar il-kompożizzjoni tal-korpi tad-direzzjoni jew tas-sorveljanza ta' kumpanija.

4.   Konklużjonijiet

Fid-dawl ta' dawn l-argumenti li saru hawn fuq, il-KESE:

1)

jagħti l-prijorità, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għall-pubblikazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja li qed tiġi rekwiżita issa lid-deċiżjoni volontarja tal-kumpaniji stess jew lil regolament nazzjonali li jiddefinixxi l-obbligi fir-rigward tal-informazzjoni;

2)

jirrakkomanda li mill-proposta ta' direttiva jiġu rtirati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) dwar il-politika tad-diversità, u jekk ikun impossibbli li jitneħħa dan ir-rekwiżit, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-politika tad-diversità, inkluż l-ispjega tar-raġunijiet li għalihom il-kumpanija ma implimentatx din il-politika tkun deċiżjoni volontarja tal-intrapriża stess, jew eventwalment regolament nazzjonali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

37

Kontra

:

96

Astensjonijiet

:

2


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012”

COM(2013) 228 final — 2013/119 (COD)

2013/C 327/11

Relatur Ġenerali: is-Sur FARRUGIA

Nhar it-13 u l-21 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012

COM(2013) 228 final – 2013/119 (COD).

Nhar il-21 ta’ Mejju 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-491 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju 2013) li jaħtar lis-Sur Farrugia bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’96 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Iċ-ċittadini qegħdin fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jenfasizza li ċ-ċittadinanza tal-UE tagħti liċ-ċittadini drittijiet u opportunitajiet ġodda. Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dritt li l-persuni li jgħixu fl-Istati Membri l-iżjed li jassoċjaw ruħhom miegħu huwa dak li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fi ħdan l-UE: il-possibbiltà li l-persuni jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri tal-UE, għal perjodi qosra jew twal, biex jaħdmu, jistudjaw, jitħarrġu, jivvjaġġaw għal finijiet professjonali jew biex jixtru lil hinn mill-fruntieri (1).

1.2

Ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jippreżenta tnax-il azzjoni ġdida f'dawn l-oqsma li ġejjin bil-għan li titkompla t-tneħħija tal-ostakli li jwaqqfu liċ-ċittadini milli jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fil-livell tal-UE, inkluż id-dritt li jiċċaqilqu b'mod ħieles minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE. Dawn jinkludu (2):

(01)

It-tneħħija tal-ostakli għall-ħaddiema, l-istudenti u l-apprendisti fl-UE bil-għan li jiġi ffaċilitat il-funzjonament adatt tas-suq tax-xogħol tal-UE, u b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ta' impjieg fi Stati Membri oħra u jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-UE.

(02)

It-tneħħija tal-burokrazija fir-rigward tad-dritt għall-moviment liberu, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jiffaċċjaw problemi, ta' spiss minħabba proċeduri amministrattivi twal u mhux ċari.

(03)

Il-protezzjoni tal-iżjed persuni vulnerabbli fl-UE fid-dawl tal-fatt li r-riżultati tal-konsultazzjoni jissuġġerixxu li l-persuni b'diżabbiltà jkollhom diffikultà meta jivvjaġġaw fl-UE.

(04)

It-tneħħija tal-ostakli li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, li żdied b'mod sostanzjali, li għadhom jiffaċċjaw problemi meta jixtru onlajn.

(05)

L-immirar u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent u l-fehim tad-drittijiet tagħhom min-naħa taċ-ċittadini.

(06)

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-UE.

1.3

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012: COM(2013) 228 final – 2013/0119 (COD).

1.4

Din il-proposta hija konformi mar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE peress li tintroduċi miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-kapaċità taċ-ċittadini tal-UE li jibbenefikaw b'mod ġenwin mis-sustanza tad-drittijiet mogħtija lilhom bis-saħħa tal-istatus tagħhom ta' ċittadini tal-UE.

1.5

Għalkemm it-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE saħħew id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE definiti mit-Trattat ta' Maastricht, inkluż id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fi ħdan l-UE, il-proċess amministrattiv li jappoġġja l-użu ta' dan id-dritt ma ġiex riformat biex jirrifletti dan. Fil-fatt, il-preżentazzjoni ta' Apostille – formalità bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-Apostille tal-Aja tal-1961 maħsuba biex tiffaċilita l-moviment transkonfinali fil-livell internazzjonali f'dinja mingħajr teknoloġija – ma tirriflettix il-fatt li l-UE hija mingħajr fruntieri u għalhekk ixxekkel pjuttost milli tiffaċilita l-implimentazzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE għal moviment liberu fi ħdan l-UE.

1.6

Is-semplifikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi li ġejjin fl-UE, kif ippreżentati fil-proposta, hija miżura importanti li ser twassal għal qafas legali iżjed koerenti li jiffaċilita d-dritt għall-moviment fi ħdan l-UE:

 

Dokumenti pubbliċi taċ-ċittadini tal-UE

Rekords tal-istat ċivili (eż. dokumenti relatati mat-twelid, mewt, ismijiet, żwieġ, sħubijiet reġistrati, l-istatus ta' ġenituri u adozzjoni);

Dokumenti relatati mar-residenza, iċ-ċittadinanza u n-nazzjonalità;

Dokumenti relatati mal-proprjetà immobbli;

Dokumenti relatati mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

Dokumenti li jagħtu prova ta' kondotta tajba; u

 

Dokumenti pubbliċi tan-negozji tal-UE (kumpaniji u impriżi oħrajn)

Dokumenti relatati mal-istatus u r-rappreżentazzjoni legali tagħhom;

Dokumenti relatati mal-proprjetà immobbli;

Dokumenti relatati mad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

Dokumenti li jagħtu prova ta' kondotta tajba; u

Bla dubju, is-semplifikazzjoni ta' dawn id-dokumenti pubbliċi ser tiffaċilita l-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji peress li tkompli żżid il-kummerċ fi ħdan is-suq intern, kif ukoll tagħmilha iżjed faċli li dawn it-tipi ta' dokumenti jinġabru miċ-ċittadini ta' kull Stat Membru.

1.7

L-introduzzjoni ta' qafas issemplifikat għall-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi sal-livell ta' amministrazzjoni pubblika għandha tiġi kkunsidrata bħala strument importanti ta' politika, peress li:

Tnaqqas ukoll l-ispejjeż għan-negozji u l-amministrazzjoni pubblika: skont data tal-2010, 30 % tal-SMEs huma involuti f'attivitajiet ta' importazzjoni/esportazzjoni u 2 % għandhom investiment dirett barrani f'pajjiż ieħor. Barra minn hekk, madwar 7 % tal-SMEs fl-UE huma involuti fi prattiki ta' sottokuntrattar internazzjonali fejn madwar 26 % jkollhom klijenti fi Stati Membri oħra (3).

Tiffaċilita l-interazzjoni mal-amministrazzjoni pubblika u tnaqqas l-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji. L-ispiża medja annwali biex tinkiseb Apostille hija ta' EUR 13,20. Huwa stmat li l-ispiża għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE biex jiksbu Apostilles għal użu fi ħdan l-UE hija ta' 'l fuq minn EUR 25 miljun. Barra minn hekk, l-ispiża tal-legalizzazzjoni tad-dokumenti pubbliċi li ma jkunux koperti mill-Konvenzjoni dwar l-Apostilles hija sostanzjali bi prezz medju ta' EUR 16,50. Barra minn hekk, l-ispejjeż għal traduzzjonijiet ċertifikati huma kkalkulati fuq il-bażi ta' EUR 30 għal kull paġna: l-ispiża għal traduzzjonijiet ċertifikati meħtieġa għal żwieġ transkonfinali hija ta' EUR 120 għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (4).

Twassal għal frankar nett fl-ispejjeż għall-Istati Membri li jvarja bejn EUR 5 – 7 miljun minħabba t-tneħħija tal-Apostille u huwa stmat li jiġu ffrankati bejn EUR 500 000 u EUR 1 miljun oħra bħala konsegwenza tal-abolizzjoni tal-leġislazzjoni (5).

Tnaqqas id-diskriminazzjoni indiretta taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra meta mqabblin ma' ċittadini ta' Stat Membru partikolari f'sitwazzjonijiet transkonfinali, meta wieħed iqis li, b'mod ġenerali, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex familjari mar-rekwiżiti applikabbli għad-dokumenti pubbliċi fl-Istat Membru ta' oriġini, inklużi l-firem, is-siġilli u t-timbri tagħhom.

1.8

Il-KESE jiddispjaċih li r-riformi li qed jiġu introdotti permezz tal-proposta li għandha l-għan li tagħmilha iżjed faċli li ċ-ċittadini u n-negozji jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment fi ħdan l-UE qed jitressqu 20 sena wara t-tnedija taċ-ċittadinanza tal-UE u 42 sena wara l-Konvenzjoni tal-Aja. Fil-fatt, l-UE ma mxietx pari passu mal-progress teknoloġiku li seta' ħeġġeġ it-tnaqqis jew it-tneħħija tal-piżijiet li jġarrbu ċ-ċittadini u n-negozji biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment. Il-KESE jenfasizza li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) hija strument importanti li għandu jiġi sfruttat ferm iżjed sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.

1.9

Għalhekk, il-KESE jikkonkludi li r-rakkomandazzjoni ta' politika mressqa mill-Kummissjoni Ewropea għal:

miżura leġislattiva li tippromovi l-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-semplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi relatati mal-użu u l-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE;

ikkomplementata minn kooperazzjoni amministrattiva msaħħa bejn l-Istati Membri abbażi tal-IMI; u

appoġġjata minn formoli standard multilingwi biex jintużaw b'mod fakultattiv u indipendenti f'każijiet transkonfinali

hija proposta eċċellenti. Il-Kumitat, madankollu, jenfasizza li ċerti dispożizzjonijiet fil-proposta jistgħu jiġu ppożizzjonati mill-ġdid biex isaħħu iżjed id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment li, fost affarijiet oħra, jiġġenera benefiċċji ekonomiċi reċiproċi għall-intrapriżi u ċ-ċittadini.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda:

1.10.1

li l-mekkaniżmi futuri ta' semplifikazzjoni rigward id-dokumenti pubbliċi jimmiraw dokumenti pubbliċi importanti bħal dawk relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE (ħaġa li hija fundamentali għall-iżvilupp tal-intrapriżi u l-kummerċ transkonfinali) jew il-persuni vulnerabbli bħal dawk b'diżabbiltà, meta wieħed iqis li dokumenti pubbliċi ta' din ix-xorta mhumiex koperti minn direttivi oħra tal-UE.

1.10.2

Iċ-ċittadini u n-negozji għandhom jibbenefikaw mill-ogħla livell ta' ċertezza rigward sa liema punt id-dokumenti pubbliċi huma eżentati minn kull tip ta' legalizzazzjoni jew formalità simili; għalhekk, id-definizzjoni ta' "dubju raġonevoli" kif imressqa fil-proposta qed tiġi emendata kif jidher hawn taħt:

"2.

Id-dubju raġonevoli msemmi fil-paragrafu 1 jikkonċerna:

(a)

l-awtentiċità tal-firma,

(b)

il-kapaċità li fih (sic) il-persuna li ffirmat id-dokument tkun aġixxiet,

(c)

l-identità tas-siġill jew timbru."

1.10.3

F'każ li Stat Membru jagħmel talba uffiċjali rigward dubju raġonevoli lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument, għandu jinforma b'mod espliċitu lill-persuna jew negozju dwar ir-raġunijiet għala qed issir din it-talba.

1.10.4

Hemm bżonn ta' sistema bilanċjata ta' responsabbiltà, li tinkiseb permezz ta' sistema ta' valutazzjoni komparattiva annwali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jiġi evalwat sa liema punt l-Istati Membri qed jimplimentaw il-proposta.

1.10.5

F'każ li jkun hemm benefiċċji mhux mistennija ladarba tistabbilizza l-IMI, il-perjodu massimu għal risposta fi ħdan il-mekkanizmu ta' kooperazzjoni amministrattiva jitnaqqas għal ġimagħtejn. Dan jibgħat messaġġ sod kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji li l-UE qiegħda tabilħaqq tagħmel iċ-ċittadinanza tal-UE effettiva u li qed tpoġġi ċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki tal-UE.

1.10.6

L-iskambju u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti min-naħa tal-Istati Membri b'konformità mal-proposta jirriflettu l-prinċipji tal-UE rigward il-protezzjoni tad-data.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Programm ta' Stokkolma tal-2009 "Ewropa miftuħa sikura li sservi u tipproteġi ċ-ċittadini" (6) enfasizza l-importanza li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tkun effettiva u li ċ-ċittadini jitpoġġew fil-qalba tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja. Il-Pjan ta' Azzjoni (7) relatat ikkonferma dan il-mandat u jgħid li żona ġudizzjarja Ewropea li taħdem tajjeb "għandha tkun għas-servizz taċ-ċittadini u tan-negozjanti sabiex tkun ta' sostenn għall-attività ekonomika fis-suq wieħed (…)". Il-Kummissjoni Ewropea rrispondiet billi kkonfermat l-impenn tagħha li tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi fi ħdan l-UE fir-Rapport tagħha tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, u f'Diċembru 2010 ppreżentat il-viżjoni konkreta tagħha lill-pubbliku f'forma ta' Green Paper dwar "Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini: Il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u r-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili" (8).

2.2

Flimkien ma' dak li ssemma hawn fuq, ġie introdott Att dwar is-Suq Uniku (9) bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fis-suq intern, u biex jiġi sfruttat bl-aħjar mod possibbli l-potenzjal tiegħu bħala xprun għat-tkabbir fi ħdan l-ekonomija tal-UE. Fost affarijiet oħra, dan talab it-tneħħija ta' ostakli sproporzjonati li jxekklu l-libertajiet tas-suq intern miċ-ċittadini u n-negozji. It-trawwim tal-mobbiltà taċ-ċittadini u n-negozji hija waħda mis-sisien tal-Att dwar is-Suq Uniku II (10).

2.3

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-dritt soċjetarju u l-governanza korporattiva (11) jiffoka fuq l-appoġġ li jingħata lin-negozji Ewropej, b'mod partikolari rigward it-tisħiħ taċ-ċertezza legali għall-operazzjonijiet transkonfinali. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (12) tirreferi għal-leġislazzjoni proposta dwar l-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi (13) u tintroduċi qafas regolatorju għal faċilitajiet amministrattivi komuni relatati mal-identifikazzjoni elettronika taċ-ċittadini u n-negozji.

2.4

Il-Pjan ta' Azzjoni reċenti dwar l-Intraprenditorija 2020 (14) jenfasizza li t-tnaqqis tal-piż regolatorju eċċessiv għadu fil-quċċata tal-aġenda politika tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Pjan ta' Azzjoni jitlob it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-burokrazija fejn possibbli għan-negozji kollha, u b'mod partikolari għall-mikrointrapriżi. Għaldaqstant, it-tnaqqis tal-burokrazija, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-użu u l-aċċettazzjoni transkonfinali tad-dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-armonizzazzjoni tar-regoli relatati jikkontribwixxu għall-azzjonijiet kollha li għandhom l-għan li joħolqu Ewropa taċ-ċittadini u Suq Uniku li jaħdem tajjeb għan-negozji tal-UE.

2.5

Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jenfasizza li ċ-ċittadinanza tal-UE tagħti liċ-ċittadini drittijiet u opportunitajiet ġodda. Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dritt li l-persuni li jgħixu fl-Istati Membri l-iżjed li jassoċjaw ruħhom miegħu huwa dak li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fi ħdan l-UE: il-possibbiltà li l-persuni jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri tal-UE, għal perjodi qosra jew twal, biex jaħdmu, jistudjaw, jitħarrġu, jivvjaġġaw għal finijiet professjonali jew biex jixtru lil hinn mill-fruntieri. Ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE jippreżenta tnax-il azzjoni ġdida f'dawn l-oqsma li ġejjin bil-għan li titkompla t-tneħħija tal-ostakli li jwaqqfu liċ-ċittadini milli jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fil-livell tal-UE, inkluż id-dritt li jiċċaqilqu b'mod ħieles u jibdew negozju minn naħa għal oħra tal-fruntieri tal-UE. Dawn jinkludu (15):

(01)

It-tneħħija tal-ostakli għall-ħaddiema, l-istudenti u l-apprendisti fl-UE.

(02)

It-tnaqqis tal-burokrazija.

(03)

Il-protezzjoni ta' dawk l-iżjed vulnerabbli.

(04)

L-eliminazzjoni tal-ostakli għaċ-ċittadini tal-UE rigward il-kummerċ elettroniku.

(05)

Tagħrif immirat u aċċessibbli fl-UE.

(06)

Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja demokratika tal-UE.

2.6

Għalkemm it-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE saħħew id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE definiti mit-Trattat ta' Maastricht, inkluż id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fi ħdan l-UE, il-proċess amministrattiv li jappoġġja l-użu ta' dan id-dritt ma ġiex riformat biex jirrifletti dan. Fil-fatt, għad hemm qafas legali frammentat fl-UE minħabba li l-Istati Membri qed ikomplu japplikaw formalitajiet amministrattivi bħall-preżentazzjoni ta' Apostille bħala ċertifikazzjoni ta' kopji u traduzzjonijiet – formalità bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar l-Apostilles, maħsuba biex tiffaċilita l-moviment transkonfinali fil-livell internazzjonali. Din hija formalità li ma tirriflettix il-fatt li l-UE hija mingħajr fruntieri, u għalhekk ixxekkel pjuttost milli tiffaċilita d-dritt taċ-ċittadini għall-moviment liberu fi ħdan l-UE.

2.7

Pereżempju, bħalissa ċ-ċittadini li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor ikollhom iqattgħu ħafna ħin u jonfqu ħafna flus biex jiżguraw l-awtentiċità tad-dokumenti pubbliċi minn Stat Membru ta' oriġini. Huwa rikonoxxut li, bla dubju, in-negozji u ċ-ċittadini ser jibbenefikaw minn qafas ta' regoli konsistenti u trasparenti li jirregolaw ċerti dokumenti pubbliċi li huma kritiċi għall-fluss tal-merkanzija, is-servizzi u l-persuni fi ħdan l-UE u s-suq uniku.

2.8

L-UE ma mxietx pari passu mal-progress teknoloġiku li jista' jħeġġeġ it-tnaqqis jew it-tneħħija tal-piżijiet li jġarrbu ċ-ċittadini u n-negozji biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment. Il-KESE jagħraf li l-IMI, applikazzjoni bbażata fuq l-internet li tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkomunikaw malajr u faċilment mal-kontropartijiet tagħhom f'pajjiżi oħra, hija pjattaforma adatta tal-ICT li ser tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva ladarba tiġi implimentata l-proposta. L-IMI ser isservi wkoll ta' repożitorju importanti ta' mudelli tal-iżjed dokumenti pubbliċi li jintużaw ta' spiss fl-UE, inkluża t-traduzzjoni tagħhom bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, sabiex l-awtoritajiet b'għarfien lingwistiku insuffiċjenti jiġu appoġġjati biex jivvalutaw il-korrettezza jew il-kwalità tat-traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi ppreżentati lilhom (16).

2.9

Il-KESE jiddispjaċih li r-riformi li qed jiġu introdotti permezz tal-proposta li għandha l-għan li tagħmilha iżjed faċli li ċ-ċittadini u n-negozji jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment fi ħdan l-UE qed jitressqu 20 sena wara t-tnedija taċ-ċittadinanza tal-UE u 42 sena wara l-Konvenzjoni tal-Aja.

3.   Elementi legali tal-proposta

Din hija t-tweġiba tal-KESE għall-aspetti prinċipali tal-proposta.

3.1   Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

3.1.1

Il-KESE jaqbel li d-definizzjoni ta' "dokumenti pubbliċi" kif ippreżentata fl-Artikolu 3(1) tal-proposta tħaddan id-dokumenti pubbliċi importanti relatati mad-drittijiet fil-livell tal-UE taċ-ċittadini u n-negozji tal-UE.

3.1.2

Madankollu, il-KESE jenfasizza li d-dokumenti pubbliċi identifikati fil-proposta għandhom ikunu l-ewwel f'sensiela ta' dokumenti pubbliċi li għandhom ikunu soġġetti għal proċess ta' semplifikazzjoni għat-tisħiħ tal-mobbiltà fi ħdan l-UE, l-attivitajiet transkonfinali u l-funzjonament tas-suq uniku tal-UE.

3.1.3

Il-KESE jenfasizza li l-mekkaniżmi futuri ta' semplifikazzjoni rigward id-dokumenti pubbliċi għandhom jimmiraw dokumenti pubbliċi importanti bħal dawk relatati mal-mobbiltà tal-ħaddiema fi ħdan l-UE (ħaġa li hija fundamentali għall-iżvilupp tal-intrapriżi u l-kummerċ transkonfinali) jew il-persuni vulnerabbli bħal dawk b'diżabbiltà, meta wieħed iqis li dokumenti pubbliċi ta' din ix-xorta mhumiex koperti minn direttivi oħra tal-UE. Id-dokumenti pubbliċi ta' dan it-tip jistgħu jinkludu, pereżempju, ċertifikati tal-akkreditament tal-edukazzjoni fil-livell nazzjonali u dokumenti pubbliċi relatati mas-sigurtà soċjali.

3.2   Eżenzjoni mil-legalizzazzjoni, is-semplifikazzjoni ta' formalitajiet oħra u talbiet għall-informazzjoni

3.2.1

Il-KESE jenfasizza li r-rekwiżiti attwali li jitolbu l-preżentazzjoni ta' Apostille jirriflettu proċeduri internazzjonali u, għalhekk, ma jirriflettux l-iżviluppi tal-UE bħala suq uniku. Hemm madwar 12,5-il miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, u 'l fuq minn 380 000 mikrointrapriża u SME involuti fi prattiki ta' sottokuntrattar transkonfinali li kontinwament jiffaċċjaw burokrazija żejda biex imorru minn Stat Membru għal ieħor jew jagħmlu negozju transkonfinali. Din il-qagħda attwali ma tirriflettix UE mingħajr fruntieri.

3.2.2

Għalhekk, il-KESE jaqbel mal-għan tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li d-dokumenti pubbliċi jiġu eżentati mir-rekwiżiti legali u amministrattivi fis-seħħ fl-Istati Membri. Il-KESE huwa tal-fehma li din hija l-ewwel fażi fi programm kontinwu għas-semplifikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi.

3.2.3

Il-KESE jaqbel li għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet biex jiżguraw li jsir il-livell meħtieġ ta' verifika fejn ikun hemm każ ta' dubju raġonevoli. Il-KESE jirrikonoxxi li ser ikun hemm każijiet fejn ser tinħtieġ koordinazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-awtentiċità ta' dokument pubbliku jew il-kopja ċertifikata tiegħu.

3.2.4

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-prinċipju li ċittadin jew negozju għandu jkollu l-ogħla livell ta' ċertezza rigward sa liema punt id-dokumenti pubbliċi huma eżentati minn kull tip ta' legalizzazzjoni jew formalità simili. Ċertezza ta' din ix-xorta tagħmilha possibbli li ċ-ċittadini jew in-negozji jippjanaw l-attivitajiet tagħhom b'mod proattiv, u b'hekk jiżguraw kisbiet u benefiċċji tanġibbli u intanġibbli ġenwini kif identifikat fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea (17).

3.2.5

Il-KESE josserva li fis-sistema attwali 99 % tal-madwar 1,4 miljun Apostille preżentati kull sena għall-attività fi ħdan l-UE ma jkunux problematiċi. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-għażla ta' politika mressqa mill-Kummissjoni Ewropea rigward il-kooperazzjoni amministrattiva (li hija bbażata fuq l-IMI f'każijiet ta' dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti pubbliċi appoġġjati minn formoli multilingwi) għandha twassal għal riżultati iżjed effettivi.

3.2.6

Il-KESE jirrakkomanda li d-definizzjoni ta' "dubju raġonevoli" kif ippreżentata fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tkun ċara biex titneħħa kull inċertezza. F'dan ir-rigward il-KESE jipproponi l-emenda li ġejja:

"2.

Id-dubju raġonevoli msemmi fil-paragrafu 1 jikkonċerna:

(a)

l-awtentiċità tal-firma,

(b)

il-kapaċità li fih (sic) il-persuna li ffirmat id-dokument tkun aġixxiet,

(c)

l-identità tas-siġill jew timbru."

3.2.7

F'każ li Stat Membru jagħmel talba uffiċjali rigward dubju raġonevoli, abbażi ta' din id-definizzjoni l-ġdida, lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument, għandu jinforma b'mod espliċitu lill-persuna dwar ir-raġunijiet għala qed issir din it-talba.

3.2.8

Il-KESE huwa fiduċjuż li ladarba l-IMI tiġi implimentata fl-Istati Membri, u r-rapporti regolari ta' progress juru li s-sistema hija stabbli u taħdem kif imiss, u li l-persunal fl-Istati Membri għandhom l-għarfien meħtieġ, it-talbiet għal koordinazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri tkun ferm iżjed effiċjenti mill-perjodu massimu ta' xahar stabbilit fil-proposta. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li, f'każ li r-riżultati juru titjib sostanzjali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tnaqqas il-perjodu massimu stabbilit għal ġimagħtejn. Reviżjoni bħal din tibgħat messaġġ sod kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji li l-UE qiegħda tabilħaqq tagħmel iċ-ċittadinanza tal-UE effettiva u li qed tpoġġi ċ-ċittadini fil-qalba tal-politiki tal-UE.

3.2.9

Il-KESE jagħti importanza lill-bżonn ta' sistema bilanċjata ta' responsabbiltà li tevalwa sa liema punt l-Istati Membri qed jimplimentaw il-proposta b'mod effettiv. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni fuq bażi annwali.

3.3   Kooperazzjoni amministrattiva

Il-KESE jaqbel li s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (Artikolu 8) għandha tintuża f'każijiet fejn l-awtoritajiet ta' Stat Membru jkollhom dubju raġonevoli dwar l-awtentiċità ta' dokument pubbliku jew il-kopja ċċertifikata tiegħu, li ma jistax jiġi solvut b’mod ieħor (Artikolu 7). Il-Kumitat jaqbel ukoll li kull Stat Membru għandu jinnomina mill-inqas awtorità ċentrali waħda u li l-awtoritajiet ċentrali nnominati kollha u d-dettalji tal-kuntatt tagħhom għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni (Artikolu 9) u li dawn l-awtoritajiet ċentrali għandhom jipprovdu assistenza rigward talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 7, u għandhom jieħdu kull miżura oħra meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament (Artikolu 10).

3.4   Formoli standard multilingwi tal-Unjoni

Il-Kumitat jaqbel li l-formoli standard multilingwi tal-Unjoni dwar it-twelid, mewt, żwieġ, sħubija reġistrata u status ġuridiku u r-rappreżentanza ta’ kumpanija jew impriża oħra huma stabbiliti u elenkati fl-Annessi (Artikolu 11) u li dawn il-formoli għandhom jinħarġu wara talba liċ-ċittadini u lill-kumpaniji jew impriżi oħra bħala alternattiva għal dokumenti pubbliċi ekwivalenti, u jkollhom indikata d-data tal-ħruġ kif ukoll-il-firma u s-siġill tal-awtorità emittenti (Artikolu 12).

Il-KESE jaqbel ukoll li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida dettaljata dwar l-użu (Artikolu 13) ta' dawn il-formoli standard u għandha tiżviluppa wkoll il-verżjonijiet elettroniċi tagħhom (Artikolu 14) u li l-formoli għandu jkollhom l-istess valur evidenzjarju formali bħad-dokumenti pubbliċi ekwivalenti u għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri mingħajr il-bżonn ta' formalitajiet (Artikolu 15).

3.5   Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra

Il-KESE jaqbel li dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew l-użu ta’ sistemi oħra ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita minnha (Artikolu 16) u ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li jagħmlu parti minnhom Stat Membru wieħed jew aktar iżda għandu jkollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi minnhom sakemm dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw kwistjonijiet regolati minn dan ir-Regolament (Artikolu 18). Il-Kumitat jaqbel ukoll li għandu jiġi inkluż it-test standard kif deskritt fl-Artikolu 17.

3.6   Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

3.6.1

Il-KESE jaqbel li l-iskambju u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti mill-Istati Membri għandhom iservu l-iskop speċifiku li jagħmilha possibbli li tkun ivverifikata l-awtentiċità tad-dokumenti pubbliċi mill-awtoritajiet permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Artikolu 19). Il-Kumitat jaqbel ukoll li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw in-nomina tal-awtoritajiet ċentrali u kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik l-informazzjoni u li l-Kummissjoni għandha tpoġġi din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 20). Fl-aħħar nett, il-KESE jaqbel li, tal-inqas kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew (Artikolu 21).

3.6.2

Il-KESE jenfasizza li l-Artikolu 19 bl-isem "Protezzjoni tad-dejta" għandu jiżgura li l-iskambju u t-trażmissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti min-naħa tal-Istati Membri b'konformità mal-proposta jirriflettu l-prinċipji tal-UE rigward il-protezzjoni tad-data.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 269 final.

(2)  Ibid.

(3)  SWD(2013) 144 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ibid.

(5)  Ibid.

(6)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(7)  COM(2010) 171 final.

(8)  COM(2010) 747 final.

(9)  COM(2011) 206 final.

(10)  COM(2012) 573 final.

(11)  COM(2012) 740 final.

(12)  COM(2012) 784 final.

(13)  COM(2012) 238 final.

(14)  COM(2012) 795 final.

(15)  Ibid.

(16)  Ir-Regolament 1024/2012 tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-14 ta' Novembru 2012, jipprovdi livell għoli ta' flessibbiltà għall-espansjoni futura tal-IMI lejn atti tal-Unjoni li għad mhumiex elenkati fl-Anness (Artikolu 4 tar-"Regolament tal-IMI"), abbażi ta' proġetti pilota mwettqa mill-Kummissjoni u valutazzjonijiet tar-riżultati tagħhom, inklużi kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u funzjonalitajiet ta' traduzzjoni effettivi.

(17)  SWD(2013) 144 final (mhux disponibbli bil-Malti).


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar”

COM(2012) 669 final

2013/C 327/12

Relatur: is-Sur SOARES

Korelatur: is-Sur TRANTINA

Nhar l-20 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar

COM(2012) 669 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta' Ġunju 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b 154 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-isforz tagħha fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda huwa tal-fehma li l-kontenut tal-Komunikazzjoni huwa inqas ambizzjuż milli jindika t-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”.

1.2

Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed tillimita d-deċiżjonijiet baġitarji tal-UE kif ukoll dawk tal-pajjiżi Ewropej, u b’mod partikolari ta’ dawk li huma suġġetti għal programmi ta' aġġustamenti baġitarji. Din is-sitwazzjoni qed tkompli taggrava minħabba t-tnaqqis fil-baġit tal-Unjoni nnifisha. Il-KESE jwissi kontra l-periklu li t-tnaqqis baġitarju li għaddej bħalissa fil-qasam tal-edukazzjoni jittrasforma inizjattivi u proposti meqjusin bħala meħtieġa f’sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni.

1.3

Fid-dawl tal-fatt li huwa konxju li hemm nuqqasijiet sostanzjali fis-sistemi edukattivi li għandhom jiġu indirizzati, u li jeħtieġ li jissolvew il-problemi li jeżistu biex ikun hemm rabta bejn l-iskejjel u impjieg, il-KESE jixtieq jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

 

li l-istituzzjonijiet Ewropej

1.3.1

jikkunsidraw mill-ġdid il-mekkaniżmi ta' ġbir, ta' preżentazzjoni u ta' interpretazzjoni tad-data dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod li tkun trasparenti u komparabbli;

1.3.2

jikkunsidraw mill-ġdid ukoll il-proċessi edukattivi Ewropej ta’ bħalissa, kif ukoll l-istrumenti differenti li jeżistu diġà, u b'mod partikolari jiżguraw li l-istandards u l-linji gwida Ewropej fil-qasam tal-iżgurar tal-kwalità jiġu riveduti;

1.3.3

jimplimentaw il-miżuri li qed jiġu proposti bħalissa, billi jintegrawhom f'inizjattivi oħra li għandhom l-għan li jintegraw liż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari il-pjan ta' azzjoni "Żgħażagħ Attivi" għall-impjieg u l-intraprenditorija;

1.3.4

jiżguraw li l-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-fondi meħtieġa għall-programm kollu, l-iżjed għall-Inizjattiva favur l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ li ġiet approvata dan l-aħħar.

 

li l-Istati Membri

1.3.5

jikkunsidraw mill-ġdid u/jew jaġġornaw, mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tal-futur, il-politiki fil-qasam tal-impjieg u tas-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, fid-dawl tal-konvinzjoni li, sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-għanijiet marbutin mal-edukazzjoni, l-investiment f'dan is-settur għandu jkun akkumpanjat minn politiki soċjali u ekonomiċi u dwar l-impjieg li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u l-benesseri, filwaqt li jiggarantixxu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali u ta' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili;

1.3.6

iħeġġu l-kisba ta’ ħiliet intraprenditorjali fil-politiki u fil-programmi tal-edukazzjoni, kisba li, lil hinn mit-tagħlim fl-iskola, tista’ tiġi kkompletata, fejn meħtieġ, permezz ta’ tagħlim fil-post tax-xogħol u billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi f’inizjattivi promossi mill-iskejjel;

1.3.7

iħeġġu l-integrazzjoni min-naħa tal-iskejjel ta’ sistemi doppji ta' edukazzjoni u ta’ taħriġ li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi u l-esperjenza fil-post tax-xogħol, u b'hekk jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi u l-intrapriżi jkunu konxji mill-importanza ta’ dawn l-inizjattivi;

1.3.8

jikkunsidraw mill-ġdid b’mod urġenti r-relazzjoni bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ u l-impjieg bil-għan li jiġu mifhuma aħjar in-nuqqasijiet potenzjali u jiġi organizzat taħriġ vokazzjonali li jissodisfa fil-prattika l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

1.3.9

jiggarantixxu lil kulħadd il-kundizzjonijiet meħtieġa għal tagħlim kontinwu u għat-titjib tat-taħriġ (taħriġ avvanzat u taħriġ mill-ġdid), billi jiġi rispettat b'mod effettiv id-dritt għal tagħlim ta’ kwalità għolja tul il-ħajja;

1.3.10

jagħrfu u jirrikonoxxu l-valur, b’mod kreattiv u innovattiv, tat-tagħlim mhux formali, billi jżidu l-viżibbiltà tal-ħiliet miksuba lil hinn mis-sistema formali u billi jippromovu l-komplementarjetà bejn it-tagħlim formali u mhux formali, filwaqt li fl-istess ħin jippromovu l-opportunitajiet indaqs;

1.3.11

jadottaw regoli u prinċipji komuni għad-definizzjoni ta' kriterji ta’ kwalità tajba għal sistemi li jiggarantixxu r-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali;

1.3.12

jinvestu fit-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ għalliema tajbin, itejbu t-taħriġ akkademiku u professjonali tagħhom, u jfittxu li jkun hemm bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa meta jiġu reklutati l-għalliema, u jipprovdu kundizzjonijiet adegwati ta’ xogħol, rimunerazzjoni u ta’ karriera, b’mod li din il-karriera tkun iżjed attraenti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

1.3.13

iqisu l-baġits tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala investiment fil-ġejjieni u bħala ħtieġa kontinwa sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu li tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għolja u rilevanti għal kulħadd, billi jiġi evitat it-tnaqqis baġitarju li jagħmilha iżjed diffiċli li jiġi ssodisfat dan l-obbligu;

1.3.14

jinvolvu lill-partijiet interessati kollha (inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk komunitarji, l-iskejjel, l-għalliema, il-ġenituri u l-kustodji, l-intrapriżi u l-junjins) fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u fid-definizzjoni tal-problemi potenzjali, kif ukoll fil-kompitu ta’ edukazzjoni, taħriġ u integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, billi jiġu pprovduti għanijiet ċari, valutazzjonijiet regolari u riżorsi biżżejjed biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom.

 

li l-imsieħba soċjali

1.3.15

jerfgħu r-responsabbiltà u jimplimentaw kif imiss il-Qafas ta' Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ adottat taħt il-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, u jiffukaw fuq ir-rabta bejn l-edukazzjoni, l-istennijiet taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jikkunsidraw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-iskola għas-suq tax-xogħol, bil-għan li jżidu r-rati tal-impjieg b'mod ġenerali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-suġġett tal-edukazzjoni ta’ spiss ikun fil-qalba tad-diskussjonijiet tal-KESE, li għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tafferma fil-Komunikazzjoni tagħha li: “L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa element ewlieni għaż-żieda fil-produttività u t-tkabbir ekonomiku” (1). Fl-istess ħin, il-KESE jaqbel mal-preokkupazzjonijiet espressi fil-Komunikazzjoni dwar it-tibdil sostanzjali osservat fis-swieq tax-xogħol Ewropej, li juri l-bżonn li ssir reviżjoni tas-sistemi edukattivi sabiex jissolvew in-nuqqasijiet jew jimtlew il-lakuni.

2.2

Il-KESE ħareġ għadd kbir ta’ Opinjonijiet li jikkontribwixxu għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni bħala dritt fundamentali tal-bniedem (2); f’kull waħda minn dawn l-Opinjonijiet huwa jagħmilha ċara li l-għan ċentrali tal-edukazzjoni għadu dak li jsawwar ċittadini ħielsa, mogħnija b’sens kritiku, awtonomi u li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-soċjetà li jgħixu fiha, filwaqt li jkunu konxji mill-fatt li huma jaqsmu valuri u kultura.

2.3

Il-Kumitat huwa konvint li bħala parti mit-taħriġ tal-għalliema, għandha tingħata attenzjoni lill-ħiliet moderni tal-komunikazzjoni, li għandhom jikkontribwixxu sabiex il-ħajja fl-iskola tkun rilevanti u interessanti (3).

2.4

Il-KESE jaqbel ukoll mal-bżonn urġenti li jinstabu soluzzjonijiet politiċi konsistenti u trasversali għal kwistjonijiet fundamentali: ir-rata tat-tluq bikri mill-iskola fl-Ewropa, li għadha għolja, il-parteċipazzjoni dgħajfa tal-ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja, il-miljuni ta’ rġiel u nisa li għad għandhom biss livell baxx ta’ edukazzjoni, ħiliet insuffiċjenti fil-qari fost it-tfal taħt il-15-il sena u l-qgħad massiv fost iż-żgħażagħ f’ċerti pajjiżi tal-UE.

2.5

Madankollu, il-Kumitat jibża’ li l-valur tal-inizjattivi proposti fil-Komunikazzjoni qed jiddgħajjef fid-dawl tar-realtà li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi Ewropej fi kriżi. It-tnaqqis baġitarju, b'mod partikolari dak li jolqot ir-riżorsi allokati għall-edukazzjoni u t-taħriġ, jista' jagħmilha iktar diffiċli li jissolvew l-inugwaljanzi bejn l-istudenti meta jibdew l-iskola, u li tiġi promossa edukazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd (4).

2.6

Minkejja li l-edukazzjoni hija fil-kompetenza tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll rwol importanti x'taqdi, permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bejn il-ministri differenti tal-edukazzjoni, il-mekkaniżmi ta' ġbir ta' data fil-livell Ewropew u permezz ta' inizjattivi differenti Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni bħall-Proċessi ta' Bolonja u ta' Kopenħagen, il-Communiqué ta' Bruges, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), is-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESGQA) (5).

2.7

Huma ġġustifikati l-preokkupazzjonijiet li tesprimi firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili fir-rigward tad-disparitajiet bejn il-ħiliet attwali taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi, kif ukoll rigward it-tranżizzjoni diffiċli bejn il-bank tal-iskola u l-post tax-xogħol jew bejn il-qgħad u l-impjieg, u għalhekk għandhom jiġu indirizzati. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tissokta ssaħħaħ l-iskambji bejn l-oqsma tal-edukazzjoni u tal-impjieg, u li tippromovi inizjattivi u miżuri konġunti li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-bank tal-iskola għall-post tax-xogħol, tnaqqas l-ostakli għall-mobbiltà fl-UE, ittejjeb bil-bosta l-funzjonament tas-suq tax-xogħol u tiggarantixxi opportunitajiet indaqs. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu għal għonq din it-triq, filwaqt li jippreżervaw il-mudell soċjali Ewropew u jsaħħu l-koeżjoni soċjali.

2.8

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Qafas ġdid ta' Azzjoni dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ, żviluppat mill-imsieħba soċjali, bħala parti essenzjali tal-programm ta' ħidma konġunt tagħhom għall-2012-2014, li tressaq għall-ewwel darba fis-Summit Soċjali Tripartitiku fl-14 ta' Marzu 2013.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ f'erba' oqsma ewlenin: l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja, l-inklużjoni ta' taħriġ prattiku msejjes fuq ix-xogħol, l-inklużjoni ta' apprendistati u mudelli ta' tagħlim doppju u l-promozzjoni ta' sħubijiet sabiex jintlaħaq għan komuni.

3.2

It-titolu tal-Komunikazzjoni jissuġġerixxi ambizzjoni li mhix riflessa fil-kontenut, probabbilment minħabba li l-Kummissjoni xtaqet tiffoka l-ħidma tagħha fuq għan wieħed. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-dokument seta' kien iżjed ambizzjuż u indirizza kwistjonijiet/sfidi urġenti, bħat-tendenzi demografiċi attwali fl-Ewropa, l-enerġija u l-migrazzjoni, kwistjonijiet li jitolbu tweġibiet ferm iżjed kumplessi. Bl-istess mod, fil-ġejjieni għandhom jitqiesu studji oħra bħal dawk li saru dan l-aħħar fi ħdan in-NU u l-UNESCO (6).

3.3

Rigward il-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE jwissi kontra l-periklu li l-edukazzjoni tiġi kkunsidrata bħala sempliċi strument għall-iżvilupp ta' ħiliet marbuta max-xogħol u ż-żieda fl-impjegabbiltà (7). Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kapaċità għall-impjegabbiltà mhijiex biss marbuta b'mod dirett mal-litteriżmu, l-esperjenza prattika, eċċ., iżda wkoll ma' karatteristiċi u attitudnijiet bħaċ-ċittadinanza attiva, l-iżvilupp individwali u l-benesseri. Għal din ir-raġuni, minkejja li fil-qafas tar-reviżjoni tal-edukazzjoni, il-kapaċità għall-impjegabbiltà hija kkunsidrata bħala għan maġġuri, ma tistax tiġi interpretata b'mod riġidu wisq.

3.4

Il-KESE jfakkar li biex l-investiment fl-edukazzjoni jilħaq l-għanijiet tiegħu bis-sħiħ, għandu jkun akkumpanjat minn politiki soċjali, u ekonomiċi dwar l-impjieg, bil-għan li jappoġġjaw it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità. Fil-passat, il-KESE rrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi, jimpenjaw ruħhom li jirrevedu u/jew jaġġornaw, mill-perspettiva tal-ħtiġijiet tal-ġejjieni, il-politiki marbuta mal-impjieg u s-servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, filwaqt li tingħata iżjed attenzjoni lil każijiet speċifiċi (it-tfal, il-persuni bi ħtiġijiet speċjali, il-migranti, eċċ.) u għandha tingħata attenzjoni li dawn il-politiki jintegraw id-dimensjoni tal-ġeneru u li jkun hemm parteċipazzjoni sħiħa min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (8).

3.5

Il-fatt li jeżistu ċerti disparitajiet bejn il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u dawk li, b'mod ġenerali, jiksbu ż-żgħażagħ u l-ħaddiema jitlob li ssir mill-iżjed fis possibbli r-rabta bejn il-qasam tal-edukazzjoni u dak tax-xogħol b'mod li dawn id-disparitajiet jiġu indirizzati. Madankollu, huwa ċar ukoll li l-ħinijiet tal-iskola u dawk tax-xogħol mhumiex u ma jistgħux ikunu l-istess.

3.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Ewropew li jniedi “Garanzija għaż-Żgħażagħ”, li għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena jkollhom opportunitajiet tajbin li jsibu x-xogħol, taħriġ kontinwu jew traineeship fi żmien erba’ xhur wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom jew wara li jitilfu l-impjieg tagħhom.

3.7

Madankollu, il-KESE jwissi kontra l-periklu li kemm iż-żgħażagħ kif ukoll il-ħaddiema mdaħħlin fl-età jintlaqtu mir-rati attwali ta' qgħad. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi sfruttat l-għarfien ta' dawn il-ħaddiema mdaħħlin fl-età mhux biss biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu x-xogħol iżda wkoll biex jiġu pprovduti b'għarfien abbażi ta' firxa wiesgħa ta' esperjenzi differenti.

3.8

Il-KESE jiddispaċih li, fil-Komunikazzjoni preżenti, il-Kummissjoni ma hatfitx l-opportunità biex tirrikonoxxi r-rwol li tista' taqdi l-edukazzjoni mhux formali bħala qasam komplementari għall-edukazzjoni formali, u jiġbed l-attenzjoni għall-appell li għamlu l-parteċipanti fis-Simpożju ta' Strasburgu favur il-ħolqien ta' proċess komuni fuq perjodu medju u twil ta' żmien bil-għan li tiġi rikonoxxuta l-edukazzjoni mhux formali fl-Ewropa (9).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Ħiliet bażiċi u trasversali

4.1.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li “L-isforzi jridu jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, (….) u “b’mod partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali”, iżda li l-ewwel pass għandu jkun li kulħadd jikseb il-ħiliet bażiċi. Fil-fehma tal-Kumitat, it-tagħlim tal-lingwi għadu jistħoqqlu attenzjoni partikolari. Persuna żagħżugħa li tkun kisbet ħiliet tajbin bażiċi u trasversali (fost affarijiet oħra, il-ħidma fi ħdan tim, il-ħakma ta' lingwi diversi, il-ħakma tal-għodod tal-IT, il-kapaċità li tifforma opinjoni u tkun kapaċi tesprimiha, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni) la ssib diffikultà tirnexxi fid-dinja intraprenditorjali u lanqas li tkun attiva fis-suq tax-xogħol.

4.1.2

Il-“ħiliet intraprenditorjali” huma mingħajr dubju element importanti, bil-kundizzjoni li l-għan tagħhom ma jkunx biss il-ħolqien tal-intrapriżi. Mingħajr attitudni intraprenditorjali, ftit li xejn nimxu ’l quddiem fil-ħajja, b’mod partikolari f’perjodi diffiċli bħal dawn. Għalhekk, hija ħaġa pożittiva li dawn il-ħiliet ikunu integrati fil-politiki u l-programmi edukattivi.

4.1.3

Sabiex jiġi żviluppat l-ispirtu intraprenditorjali, lil hinn minn kwistjonijiet relatati mal-kurrikulu, jista’ jkun importanti li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ tagħlim fil-post tax-xogħol jew fi ħdan organizzazzjoni, u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi u tal-organizzazzjonijiet fi skemi promossi mill-iskejjel. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu definizzjoni iżjed trasparenti tal-kunċett ta' "aċċess ugwali għal tagħlim adegwat u għal programmi tal-ħiliet għall-ħajja", u jfasslu firxa koerenti ta’ indikaturi li jagħmlu possibbli paragun fil-livelli differenti, kif ukoll għall-valutazzjoni tar-riżultati, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili.

4.1.4

Madankollu, il-KESE jemmen li l-ispirtu intraprenditorjali jista' jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu biss jekk dan ikun akkumpanjat mill-idea ta’ ħidma kollettiva li l-edukazzjoni għandha wkoll trawwem fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

4.1.5

Is-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (l-hekk imsejħa dixxiplini STEM) (10) għandhom jibqgħu jingħataw attenzjoni partikolari fis-sistemi edukattivi peress li għadhom fil-qalba ta’ soċjetà ddominata mit-teknoloġija u l-iżvilupp teknoloġiku u minħabba li d-domanda għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin u b'livell għoli ta' għarfien xjentifiku ser tkun dejjem akbar (11). Madankollu, huwa importanti li dawn is-suġġetti jiġu ppreżentati b’mod li jkun iżjed faċli għall-utenti u b’mod iżjed kreattiv u, għaldaqstant, iżjed attraenti li jiffaċilita wkoll bilanċ ikbar u aħjar bejn is-subien u l-bniet (12).

4.1.6

Id-dokument la jagħmel referenza għall-effetti tal-kriżi u tal-politiki ta’ aġġustament baġitarju fuq ix-xjenza, ir-riċerka u l-professjonisti f’dawn l-oqsma (ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-universitajiet) u lanqas għall-eżodu ta’ mħuħ li qed jesperjenzaw pajjiżi differenti tal-UE. Il-KESE tkellem f'għadd ta' Opinjonijiet (13) dwar l-importanza li nimxu lejn it-twettiq sħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; huwa osserva li l-moviment liberu tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija għandhom jikkostitwixxu l-“ħames libertà” tas-suq intern.

4.2   Ħiliet vokazzjonali

4.2.1

Il-KESE jinsab imħasseb, l-istess bħall-Kummissjoni, dwar id-disparitajiet li jeżistu bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol. Huwa ċar li sistema edukattiva li tkun maqtugħa mis-suq tax-xogħol mhux biss tiġġenera ħiliet inkompleti, iżda agħar minn hekk, twassal għall-qgħad (14). Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li tingħata attenzjoni ikbar lir-reviżjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u li jkun hemm komprensjoni reċiproka ikbar tar-rabtiet bejn dawn u s-suq tax-xogħol, bil-għan li jiġi żgurat li jissodisfaw b’mod konkret il-ħtiġijiet tiegħu. Jenfasizza wkoll li huwa indispensabbli li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw f’taħriġ vokazzjonali li jkun rilevanti għas-suq tax-xogħol (15).

4.2.2

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) huma ta' importanza partikolari għas-suq tax-xogħol; jeħtieġ ukoll li jsir investiment fi programmi adatti li jiżguraw dawn il-ħiliet fit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda n-nisa żgħażagħ. Il-KESE jaqbel mal-proposta dwar tikketta Ewropea ta' kwalità għall-industrija u għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni fil-qasam tal-ICT.

4.2.3

Il-KESE jafferma mill-ġdid id-dritt li kull persuna jkollha firxa ta’ għarfien u ta’ kwalifiki li jagħmluha possibbli li tintegra ruħha bis-sħiħ fil-ħajja professjonali u soċjali. Id-dritt għal taħriġ vokazzjonali ma għandux jingħata biss liż-żgħażagħ li jidħlu fis-suq tx-xogħol, iżda wkoll lill-ħaddiema kollha, b’mod li jkunu jistgħu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jilqgħu l-isfidi fid-dawl tat-tibdil li għaddej bħalissa. L-impjegabbiltà ma tikkonċernax biss liż-żgħażagħ.

4.2.4

It-tagħlim fil-post tax-xogħol, u b’mod partikolari s-sistemi doppji li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi u l-esperjenza fil-post tax-xogħol jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tibdil meħtieġ għall-ħolqien tal-impjiegi (16), iżda għandhom jagħmlu parti mis-sistema edukattiva, li jitlob kjarifika tar-rwol li jaqdu l-atturi differenti kkonċernati. Huwa fundamentali li l-iskejjel u l-intrapriżi jkunu sensibilizzati għal din il-forma ta’ tagħlim (17).

4.3   L-istimular ta’ tagħlim miftuħ u flessibbli

4.3.1

Ir-rikonoxximent li l-mudelli qed jinbidlu b’ritmu mingħajr preċedent (minn soċjetà industrijali għal soċjetà bbażata fuq l-għarfien, li hija fi triqtha lejn soċjetà bbażata fuq in-netwerks) jitlob approċċ iżjed kreattiv u innovattiv, li jorbot flimkien oqsma differenti tal-ħajja u attivitajiet differenti, filwaqt li jiġu rikonoxxuti u vvalutati s-suċċessi, u jinħolqu rabtiet bejn il-kultura, l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali u s-suq tax-xogħol u billi titħeġġeġ il-komplementarjetà bejn it-tagħlim mhux formali u dak formali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs.

4.3.2

Huwa tajjeb li jiġi stimulat it-tagħlim, bil-kundizzjoni li l-individwi jingħataw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jagħmlu dan, u li dan ma jiddependix biss mill-isforz li kull persuna tista’ u jeħtieġ li tagħmel. Jekk dan ma jiġrix, il-gruppi li diġà min-natura tagħhom huma l-iżjed żvantaġġati jew marġinalizzati jkomplu jiġu ssegregati b’mod kollettiv. Għalhekk, il-KESE jinsab dejjem iżjed u iżjed imħasseb dwar il-fatt li l-parteċipazzjoni fil-programmi ta' edukazzjoni għall-adulti turi tnaqqis sostanzjali; il-parteċipazzjoni medja tal-adulti tal-UE fit-tagħlim tul il-ħajja hija biss 8,9 % skont il-Kummissjoni, u f’seba’ Stati Membri partikolari bilkemm tilħaq il-5 %.

4.3.3

Jeħtieġ li jittejbu l-proċeduri, li attwalment huma formalisti wisq, għar-rikonoxximent tal-għarfien miksub barra mill-iskola (l-edukazzjoni mhux formali). Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu abbażi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kkonċernati u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u li huwa l-Istat li għandu jerfa' r-responsabbiltà u jiżgura l-kwalità ta' dan ir-rikonoxximent. Il-proċeduri għar-rikonoxximent jistgħu jikkontribwixxu b'mod iżjed effettiv biex tiżdied il-viżibbiltà, b'mod partikolari fi ħdan l-imsieħba soċjali, tal-benefiċċji tal-edukazzjoni mhux formali. Huwa importanti wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni li tkun fuq skala wiesgħa u faċli tinftiehem kemm jista' jkun dwar il-modi għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet biex jiġi żgurat li jibbenefikaw lil kulħadd.

4.3.4

Fi żmien meta r-rati tal-qgħad huma għoljin, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, il-bżonn li nikkunsidraw mill-ġdid b’mod iżjed miftuħ u flessibbli kif jinkisbu l-ħiliet jikkostitwixxi sfida fundamentali għall-Ewropa, fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, l-Istati Membri għandhom, fost affarijiet oħra:

a)

jiggarantixxu li kulħadd jjibbenefika mit-tagħlim tul il-ħajja, u li jkun possibbli li jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u li jkollhom aċċess għal impjiegi iżjed ikkwalifikati, b’mod li jintlaħaq l-għan tat-“tkabbir inklużiv” stabbilit f-Istrateġija Ewropa 2020;

b)

jiggarantixxu li ż-żgħażagħ ikunu ggwidati minn speċjalisti dwar l-orjentazzjoni professjonali;

c)

itejbu, permezz ta’ miżuri konkreti, innovattivi u kreattivi li dwarhom jintlaħaq ftehim komuni permezz tad-djalogu soċjali, it-taħriġ (taħriġ kontinwu u taħriġ mill-ġdid) għal dawk li diġà għandhom xogħol jew li jixtiequ li jkollhom xogħol, iżda li l-ħiliet akkademiċi jew mhux akkademiċi tagħhom mhumiex biżżejjed. Dawn l-inizjattivi għandhom iqisu l-età, l-esperjenza u l-għarfien tal-ħaddiema kkonċernati;

d)

jifformalizzaw id-dritt tal-individwu għal taħriġ iċċertifikat ta’ kwalità għolja, billi jiġi stipulat għadd fiss ta’ sigħat ta’ taħriġ għall-ħaddiema kollha, indipendentement mil-livell tal-kwalifiki tagħhom jew it-tip tal-kuntratt;

e)

iħeġġu lill-intrapriżi jfasslu programmi għall-iżvilupp tal-ħiliet, li jinvolvu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem, filwaqt li titqies il-qagħda tal-intrapriża, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-SMEs, b’konformità mal-ftehimiet konklużi bejn l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew;

f)

jappoġġjaw l-inizjattivi bil-għan li jżidu l-viżibbiltà tal-ħiliet miksuba lil hinn mill-edukazzjoni formali, u jsaħħu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u jiggarantixxu l-kwalità tiegħu.

4.3.5

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki b'mod li jkun hemm konverġenza u trasparenza akbar fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki fl-UE.

4.4   Appoġġ lill-għalliema u lill-edukaturi Ewropej

4.4.1

Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi r-rwol fundamentali li jaqdu l-għalliema u l-edukaturi biex itejbu t-tagħlim u jħeġġu t-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Għalhekk, jidher li l-investiment fit-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ għalliema u edukaturi ta’ kwalità għolja hija strateġija meħtieġa u pożittiva.

4.4.2

Madankollu, li ngħidu li għalliema u edukaturi tajbin jistgħu jagħmlu differenza ma jfissirx li t-tagħlim waħdu biss jiddetermina dak li jitgħallmu l-istudenti jew li jiġi sottovalutat il-kuntest soċjoekonomiku li fih isir dan it-tagħlim.

4.4.3

F’kuntest ta’ tibdil ekonomiku, soċjali u teknoloġiku kbir u profond, huwa urġenti li l-professjoni ta’ għalliem tiġi kkunsidrata bħala element ċentrali għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja, li tista’ tiġi adattata għall-esiġenzi ta’ żminijietna, li jfisser li huwa fundamentali li jitjieb it-taħriġ akkademiku u professjonali tal-għalliema, li jiġu offruti kundizzjonijiet adegwati ta’ rimunerazzjoni u ta’ karriera u li l-karriera ta’ għalliem tkun iżjed attraenti għaż-żgħażagħ. Huwa wkoll estremament importanti li jiġi żgurat bilanċ ikbar bejn l-irġiel u n-nisa fir-reklutaġġ tal-għalliema.

4.4.4

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jkun tajjeb li fir-reklutaġġ tal-għalliema tiġi integrata dimensjoni ta' diversità, b'mod partikolari mill-perspettiva ta' oriġini etnika, tal-kultura, tar-reliġjon, tal-età, eċċ. Barra minn hekk, f'kuntest ta' moviment liberu tal-persuni u tal-migrazzjoni, huwa partikolarment importanti li jissaħħu l-għarfien lingwistiku u l-ħiliet fil-komunikazzjoni interkulturali, kemm fost it-tfal u ż-żgħażagħ kif ukoll fost l-għalliema, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni anke meta l-lingwi materni jkunu differenti. L-għalliema għandhom jibbenefikaw mit-taħriġ adatt biex ikunu f'pożizzjoni li jaħdmu mal-istudenti li jabbandunaw l-istudji tagħhom jew li jkunu fi bżonn, f'żoni milqutin minn perikli soċjali jew esposti għall-esklużjoni. Għalhekk, jinħtieġu għalliema moderni f'ambjent ta' tagħlim multikulturali u multidimensjonali (18).

4.5   Il-finanzjament tal-edukazzjoni

4.5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed timpenja ruħha li tagħti iżjed attenzjoni lill-finanzjament tal-edukazzjoni, billi nediet dibattitu mal-atturi prinċipali dwar il-benefiċċji li jsir investiment fl-edukazzjoni (19). Huwa jappoġġja wkoll l-idea li ssir ħidma bi sħab mal-imsieħba soċjali biex jiġi analizzat kif jista' jiżdied il-forniment ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fil-post tax-xogħol.

4.5.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri qed jippromovu dibattiti nazzjonali dwar il-mekkaniżmi sostenibbli ta’ finanzjament għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Madankollu, minkejja dan il-livell ta' attenzjoni, il-finanzjament għall-edukazzjoni u t-taħriġ qed jonqos f'ħafna Stati Membri (20). Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni wiesgħa u kontinwa tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li qed isiru biex jinvolvu s-settur privat fil-kofinanzjament tas-settur tal-edukazzjoni, b'mod partikolari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iżda fl-istess ħin jirrakkomanda li jiġu stabbiliti kriterji ċari dwar ir-responsabbiltajiet kondiviżi bejn is-setturi differenti (is-settur pubbliku, dak privat u oħrajn) f'każijiet bħal dawn. Dan ma jimplikax li l-Istati titneħħielhom ir-responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom li jiggarantixxu finanzjament adegwat u edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd (21).

4.5.3

Il-KESE jafferma mill-ġdid b'konvinzjoni l-importanza, f'dak li jirrigwarda l-mobbiltà taż-żgħażagħ, ta' programmi bħall-Erasmus, l-Erasmus Mundus u "Żgħażagħ attivi", li l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp personali u tal-ħiliet u l-kwalifiki taż-żgħażagħ huwa rikonoxxut minn kulħadd. Għalhekk, jeħtieġ li jiżdied il-finanzjament ta' dawn il-programmi taħt il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, kif ukoll li titjieb il-proċedura tal-għażla tal-parteċipanti, sabiex kulħadd jibbenefika minn opportunitajiet indaqs, ġusti u effettivi billi, permezz tal-programmi, ċerti gruppi speċifiċi esposti għal livell għoli ta' riskju jitħeġġu jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi, u billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet biex jingħelbu l-ostakli marbutin mar-riżorsi finanzjarji jew mal-kwalifiki li jiffaċċjaw għad ġmielu ta' studenti u żgħażagħ.

4.6   Sħubijiet

4.6.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib mal-atturi u l-gruppi soċjali differenti fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Is-sħubijiet jippermettu skambju rikk ta’ esperjenzi u jipprovdu opportunità li jiġi inkluż fil-proċess edukattiv kull min jista' jipprovdi u/jew jaġġorna ħiliet speċifiċi, b’mod partikolari dawk li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol.

4.6.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha (l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk komunitarji, l-iskejjel u l-għalliema, il-ġenituri u l-kustodji u l-intrapriżi u l-junjins, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, fost l-oħrajn) u li jiġu previsti għanijiet ċari, valutazzjonijiet regolari u riżorsi suffiċjenti biex jiġi żgurat li dawn is-sħubijiet ikunu sostenibbli. Il-KESE jittama li l-programm Erasmus għal Kulħadd jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jappoġġja, jinkoraġġixxi u jippromovi s-sħubijiet li jħabirku biex jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità għolja u opportunitajiet indaqs. L-edukazzjoni hija proċess olistiku u għalhekk titlob livell għoli ta' orjentazzjoni f'dak li jirrigwarda l-karriera, flimkien ma' servizz ta' konsulenza vokazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jixxerrdu l-prattiki tajbin li jsegwu bosta skejjel li, waranofsinhar, jinbidlu f'ċentri ta' attivitajiet kulturali, laqgħat u taħriġ kontinwu li jipproponu attivitajiet maħsubin għal ġenerazzjonijiet differenti fi ħdan il-popolazzjoni u għal kategoriji soċjali differenti.

4.6.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ fid-dinamika tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-kontribut tagħhom biex isolvu l-problemi enormi li jolqtuhom illum il-ġurnata. Naturalment, dawn jinkludu l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li r-rati estremament għoljin tiegħu huma għalkollox inaċċettabbli. Il-ħolqien ta' sħubijiet ma' dawn l-organizzazzjonijiet li jħeġġu l-ksib ta' "ħiliet personali" (soft skills) bħall-organizzazzjoni, il-komunikazzjoni, is-sens ta' tmexxija, is-sens ta' inizjattiva u l-għarfien ta' lingwi barranin, fost affarijiet oħra, jista' jkun strateġija pożittiva bil-kundizzjoni li jiġu żgurati wkoll ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha (22).

4.6.4

Il-KESE jaqbel mal-idea li jinħolqu garanziji għaż-żgħażagħ fl-Istati Membri, iffinanzjati permezz ta' fond speċifiku taħt il-qafas finanzjarju pluriennali, għalkemm huwa tal-fehma li l-pakkett ta' EUR 6 000 miljun previst huwa għalkollox insuffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li parti minn dawn il-fondi diġà hija pprovduta mill-Fond Soċjali Ewropew.

Brussell, 10 ta’ Lulju 2013

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2012) 669 final.

(2)  ĠU C 161, 606.2013, p. 67-72; ĠU C 161, 6.5.2013, p. 27-34; ĠU C 11, 15.1.2013, p. 8-15; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 97; ĠU C 191, 29.6.2012, p. 103; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 1; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 154; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 143; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 50; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1; ĠU C 318, 29.10. 2011, p. 142; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 1; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55; ĠU C 21, 21.1.2011, p. 66; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 81; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 113; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 100; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 95; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 45; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41.

(3)  Survey of Schools: ICT in Education (Stħarriġ fl-iskejjel: l-ICT fl-edukazzjoni) (https://ec.europa.eu/digital-agenda/node/51275) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-inizjattiva tal-UNESCO tal-2012 "Education for all" (EFA) jikkritika l-progress irregolari biex jintlaħqu l-għanijiet tal-EFA u jikkonkludi li biex iċ-ċittadini jingħataw rendikont pożittiv, is-sistemi edukattivi għandhom jirċievu fondi suffiċjenti u sostenibbli. Madankollu, f’dikjarazzjonijiet reċenti, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OCDE) qalet li edukazzjoni pubblika ffukata fuq il-kwalità u l-ugwaljanza hija l-aħjar mod mhux biss biex il-gvernijiet jiffrankaw il-flus, iżda wkoll biex jinvestuhom b’mod tajjeb. Madankollu, il-komunitajiet u l-persuni żvantaġġati għandhom jiġu involuti għax b'hekk biss tista' tkun possibbli sistema edukattiva ta' kwalità għolja (Konferenza tal-Education International – OECD “Quality and dialogue key to public education” [Il-kwalità u d-djalogu huma essenzjali għall-edukazzjoni pubblika], 4 ta’ Frar 2013).

(5)  L-akronimi kollha huma bl-Ingliż.

(6)  Fis-sede tal-UNESCO f’Pariġi, mit-12 sal-14 ta’ Frar 2013, tnax-il espert internazzjonali mill-qasam edukattiv għamlu analiżi kritika tal-iżjed rapporti importanti prodotti fis-seklu 20 fil-qasam tal-edukazzjoni minn din l-organizzazzjoni – “Learning to be” ta’ Edgar Faure(1972) u “Learning: The Treasure Within” ta' Jacques Delors (1996) – fid-dawl tal-iżjed tibdil soċjali reċenti u profond. www.unesco.org

(7)  It-termini “impjegabbiltà” u “ħolqien tal-impjiegi” ma jfissrux l-istess ħaġa u lanqas ma jesprimu l-istess kunċett. Filwaqt li l-“ħolqien tal-impjiegi” huwa fenomenu kumpless li jinvolvi għadd ta' responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-Istat, min iħaddem u l-ħaddiema, u li jitlob id-djalogu soċjali u n-negozjar, jidher li l-“impjegabbiltà” tirreferi kważi esklużivament għar-responsabbiltà individwali ta' min qed ifittex impjieg.

(8)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 18.

(9)  Is-simpożju, li sar mill-14 sas-16 ta' Novembru 2011, kien koorganizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa flimkien ma' għadd ta' assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Jugend für Europa – l-Aġenzija Nazzjonali Ġermaniża għall-Programm Żgħażagħ Attivi – u s-SALTO Training and Cooperation Centre. (http://youth-partnership-eu.coe.int/youth-partnership/documents/EKCYP/Youth_Policy/docs/Youth_Work/Policy/STATEMENT_Symposium_participants_160312.pdf).

(10)  STEM (Science, Technology, Engineering and Mathematics) huwa l-akronimu bl-Ingliż.

(11)  Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (CEDEFOP), id-domanda għal persuni b'ħiliet għoljin tista' tiżdied b'16-il miljun ruħ sal-2020 u dik għal persuni b'ħiliet medji b'medja ta' 3,5 miljun ruħ, filwaqt li d-domanda għal persuni bi ftit li xejn ħiliet tista' tonqos bi 12-il miljun ruħ.

(12)  Għadd ta’ proġetti li saru fi Stati Membri differenti juru li t-tagħlim tal-matematika jista’ jkun iżjed attraenti.

(13)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 8 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 60; ĠU C 44, 15.2.2013, p. 88; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 43; ĠU C 76, 14.3.2013, p. 31.

(14)  Ir-rakkomandazzjoni riveduta tal-UNESCO dwar l-edukazzjoni teknika u vokazzjonali turi li, minħabba l-iżvilupp xjentifiku, teknoloġiku u soċjoekonomiku enormi, attwali jew previst, li jikkaratterizza żminijietna, b’mod partikolari l-globalizzazzjoni u r-rivoluzzjoni tal-ICT, l-edukazzjoni teknika u vokazzjonali għandhom ikunu elementi vitali tal-proċess edukattiv tal-pajjiżi kollha (UNESCO, 2001).

(15)  Memorandum dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tat-Tagħlim u tat-Taħriġ Vokazzjonali fl-Ewropa, Berlin, 10-11 ta’ Diċembru 2012.

(16)  Il-Komunikazzjoni ssemmi dawn is-setturi b’potenzjal għat-tkabbir: l-ICT, is-saħħa, it-teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, is-servizzi personalizzati, is-servizzi tan-negozju, l-ekonomija marittima u s-setturi ekoloġiċi, u dawk li għaddejjin minn trasformazzjoni kbira li jeħtieġu forza tax-xogħol b’ħiliet aħjar.

(17)  L-esperjenza tas-sistema doppja fl-Awstrija hija eżempju ta' prattika tajba li jistħoqqilha analiżi bir-reqqa tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi implimentata, u tar-riżultati miksuba sa issa.

(18)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85.

(19)  L-UNESCO, fi studju ġdid li janalizza l-kontribuzzjonijiet tal-intrapriżi u tal-fondazzjonijiet privati għall-edukazzjoni, tosserva li dawn il-kontribuzzjonijiet ma jaqbżux is-USD 683 miljun fis-sena. Biex dawn iċ-ċifri nkunu nistgħu nanalizzawhom minn xi forma ta’ perspettiva, nistgħu ngħidu li din iċ-ċifra hija ekwivalenti għal 0,1 % tal-profitti tal-ikbar żewġ kumpaniji taż-żejt fid-dinja, u tirrappreżenta l-ispiża ta’ żewġ ajruplani tat-tip Airbus A380. Din fil-fatt hija kontribuzzjoni żgħira meta mqabbla mas-USD 16 000 miljun li huma meħtieġa kull sena biex jiġi żgurat li kull tifel u tifla jattendu l-iskola primarja. Preżentazzjoni fil-Forum ta’ Davos, 23 ta’ Jannar 2013.

(20)  Rapport Eurydice "Funding of Education in Europe 20-2012. The Impact of the Crisis".

(http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/147EN.pdf).

(21)  L-impenn li tiġi garantita edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd huwa minqux fil-kostituzzjonijiet nazzjonali kollha u, fil-livell internazzjonali, fid-dikjarazzjoni finali tal-Konferenza Dinjija dwar l-Edukazzjoni, UNESCO, Jomtien, 1990, u fl-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, NU, New York, 2000, li l-Istati Membri tal-UE huma firmatarji tagħhom kollha.

(22)  Rapport tal-Università ta' Bath/GHK (2012) wera l-impatt tal-edukazzjoni formali fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-importanza tar-rwol li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jistgħu jaqdu f'dan il-proċess.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati”

COM(2012) 788 final — 2012/0366 (COD)

2013/C 327/13

Relatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar il-15 ta’ Jannar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati

COM(2012) 788 final – 2012/0366 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Marzu 2013.

Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur, 52 vot kontra u 28 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-bażi legali tal-abbozz leġislattiv propost mill-Kummissjoni Ewropea hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (1). Għalhekk, l-għan li dan l-abbozz ta’ regolament suppost għandu jsegwi huwa t-tqarrib tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, bil-għan li jiġi assigurat il-funzjonament korrett tas-suq intern. Il-punt 3.9.1 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta għal Direttiva jispeċifika li l-għażla ta’ din il-bażi legali kienet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz tad-Direttiva 2001/37/KE (2) u li, għalhekk, din l-istess bażi hija adegwata għal din il-proposta fit-tiftix ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mir-riskji tat-tabakk.

1.2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) fil-prinċipju jilqa' din il-bażi legali fid-dawl tal-objettivi tal-proposta, li l-KESE jikkondividi kompletament, b'mod partikolari bil-għan li jipprevjenu lin-nies milli jibdew ipejpju, speċjalment iż-żgħażagħ. Madankollu, il-KESE jinnota li f'xi okkażjonijiet, pereżempju fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew, ġew espressi dubji fir-rigward ta' din il-bażi legali, notevolment fuq il-bażi li l-objettiv jista' jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri.

1.3

Il-KESE jaqbel totalment mal-Kummissjoni Ewropea li d-dritt għas-saħħa għandu jieħu prijorità fuq kwalunkwe kunsiderazzjoni ekonomika. F’dan il-qasam, il-KESE jiddikjara li huwa deċiżament favur li jiġu promossi pjani u kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi gravi li t-tipjip għandu fuq is-saħħa. Madankollu għad hemm xettiċiżmu dwar kemm il-miżuri proposti jgħinu l-proċess gradwali li persuna tieqaf tpejjep. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-miżura li qed tiġi analizzata tiġi kkompletata u tirrifletti b’mod aktar ċar l-importanza fil-livell Ewropew tal-istrateġiji edukattivi u ta’ pariri mwettqa fl-iskejjel primarji u sekondarji, b’tali mod li kull tifel/tifla jew żgħażugħ/a jiġu infurmati b’mod korrett, sħiħ u regolari dwar ir-realtajiet tat-tipjip u l-effetti tiegħu ta’ ħsara u dwar l-effetti karċinoġeniċi tal-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk fl-ambjent (3).

1.4

Il-Kumitat jirrikonoxxi li fl-UE kollha għadd konsiderevoli ta' impjiegi ser ikunu fil-periklu fis-setturi kollha tal-katina ta' valur tal-agrikoltura, il-produzzjoni, l-ippakkjar u l-bejgħ bl-imnut tat-tabakk u prodotti relatati. Il-KESE jitlob li tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex dawn ir-riskji relatati mas-suq tax-xogħol jiġu evitati, u jirrakkomanda bil-qawwa li jintużaw il-forom kollha disponibbli ta' miżuri ta' tranżizzjoni u ta' ristrutturazzjoni, speċjalment l-iskemi ta' taħriġ għall-ħaddiema flimkien ma' appoġġ xjentifiku, tekniku u dak relatat mal-innovazzjoni għall-intrapriżi u l-irziezet li jipproduċu tipi ġodda ta' prodotti, bil-għan li jinżammu l-impjiegi. Għandu jiġi nnotat li t-tkabbir tat-tabakk jikkontribwixxi għall-impjiegi rurali. Il-fondi strutturali u ta' koeżjoni, il-fondi reġjonali u l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jintużaw b'mod effettiv fl-Istati Membri li jintlaqtu l-aktar minn din ir-ristrutturazzjoni potenzjali partikolarment fil-kuntest attwali ta' kriżi ekonomika.

1.5

Hemm ir-riskju li jonqos ħafna d-dħul mit-taxxi, mhux biss minħabba ż-żieda fil-kummerċ illeċitu, iżda wkoll minħabba li jonqos il-bejgħ u jitbaxxew il-prezzijiet. Attwalment, it-taxxi miġbura minn fuq it-tabakk fl-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw kważi EUR 100 biljun.

1.6

Ser ikun hemm żieda qawwija fil-kummerċ illeċitu (kuntrabandu u falsifikar) f’idejn in-netwerks kriminali, li ser twassal għal tnaqqis fil-bejgħ tat-tabakk legali, ser tnaqqas id-dħul mit-taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk, ser tikkomprometti s-sikurezza tal-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ kontrolli sanitarji u ta’ kwalità, kif ukoll ser tiffaċilita l-aċċess tal-minorenni għat-tabakk. Kull sena fl-Unjoni Ewropea jonqsu milli jinġabru EUR 10 biljun (4) (ċifra maħruġa mill-OLAF) minħabba l-kummerċ illeċitu, peress li llum il-ġurnata l-bejgħ tat-tabakk bil-kuntrabandu fl-UE huwa 10 % (5). Il-KESE ma jistax ħlief jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dan l-aħħar, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-ġlieda kontra t-tabakk, ġie ffirmat protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, li fih il-partijiet interessati jintalbu jimplimentaw miżuri effettivi biex jiġu eliminati l-manifattura u l-kummerċ illeċiti tat-tabakk (6).

1.7

Il-proposta attwali ser tibdel b'mod sostanzjali l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-suq, il-kompetizzjoni u l-funzjonament neċessarju tal-kummerċ ħieles ta’ prodott legali, anke jekk ikun estremament regolat. Il-KESE huwa konxju tal-preokkupazzjonijiet li qajmu f'dan ir-rigward ċerti valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell tal-UE u dak internazzjonali. Madankollu, il-KESE jitlob li jiġu kkunsidrati l-benefiċċji mistennija, kemm fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa, kif ukoll it-titjib fil-livell tas-saħħa pubblika, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċittadini Ewropej huma intitolati għal livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħithom mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.8

Jekk il-Kummissjoni tingħata poteri wesgħin sabiex tiżviluppa aktar l-aspetti essenzjali tad-Direttiva permezz ta’ atti ddelegati, dan ser jirfes fuq il-kompetenzi sovrani tal-Istati Membri u b’hekk jinkiser il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE ma jistax jaċċetta atti ddelegati li ma jagħmlux parti minn dak li huwa espressament indikat fl-Artikolu 290 tat-TFUE. Barra minn hekk, tmien parlamenti nazzjonali (kontroll tas-sussidjarjetà) esprimew 14-il vot kontra l-proposta tal-Kummissjoni peress li din ma tirrispettax il-prinċipju tas-sussidjarjetà (7).

1.9

Il-KESE jappoġġja l-kunċett li jitnaqqas ir-riskju u għalhekk jappella lill-Kummissjoni għal definizzjoni ċara u qafas legali adegwat għall-prodotti b’inqas periklu, li jikkonkretizzaw b’mod xjentifiku u mingħajr dubju t-tnaqqis tar-riskju fir-rigward tas-sigaretti konvenzjonali, b’mod partikolari l-prodotti li fihom it-tabakk (u mhux nikotina kimika) u li għalhekk huma soġġetti għad-Direttiva.

2.   Daħla

2.1

Il-KESE jaf tajjeb bir-riskji li għandu t-tabakk għas-saħħa pubblika. Bħalma jidher fl-ewwel punt tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta għal Direttiva, it-tabakk huwa l-aktar kawża sinifikanti ta’ mwiet prematuri fl-UE, responsabbli għal kważi 700 000 mewta kull sena. F’dan il-kuntest, il-proposta tiffoka fuq objettivi ta’ min ifaħħarhom u li huma kondiviżi bis-sħiħ, bħall-prevenzjoni li jinbeda l-konsum tat-tabakk, b’mod partikolari miż-żgħażagħ, meta jitqies li 70 % ta’ dawk li jpejpu jibdew qabel ma jagħlqu t-18-il sena u 94 % qabel ma jagħlqu l-25 sena, u dan isaħħaħ il-bżonn li jiġu adottati miżuri fil-qasam tat-tfal u ż-żgħażagħ (8).

2.2

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li r-reviżjoni tad-Direttiva hija assolutament neċessarja u, għalhekk, għandha titwettaq mingħajr dewmien. Fil-fatt, missha ilha li saret snin ilu, meta wieħed iqis li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistipula li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Huwa ċar li d-dritt għas-saħħa għandu jibqa’ prijorità fuq kwalunkwe kunsiderazzjoni ekonomika. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li fil-pajjiżi li adottaw leġislazzjoni restrittiva ħafna kontra t-tabakk, il-livell tal-konsum bilkemm inbidel. Dan huwa l-każ, pereżempju, fi Spanja, fejn f’dawn l-aħħar 3 snin, il-livell ta’ konsum niżel biss b’żewġ punti perċentwali minkejja l-liġijiet stretti li ġew adottati, skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat reċentement dwar l-ambjenti ħielsa mit-tipjip (9). Għalhekk, apparti l-miżura li qed tiġi diskussa hawnhekk, il-KESE jiddikjara li huwa deċiżament favur li jiġu promossi pjani u kampanji pubbliċi ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi gravi li t-titjib għandu fuq is-saħħa. Huwa jemmen li dawn l-azzjonijiet ser isaħħu l-effettività fit-tul tal-miżuri proposti fir-rigward tas-saħħa pubblika, għax għad hemm min hu xettiku dwar jekk dawn humiex ser jiffaċilitaw il-waqfien progressiv u neċessarju tat-tipjip.

2.3

Madankollu, l-abbozz ta’ proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2001/37/KE dwar il-prodotti tat-tabakk, ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropa fid-19 ta’ Diċembru 2012, jista’ jkollu konsegwenzi gravi għall-impjieg, l-ekonomija u d-dħul mit-taxxi fl-Unjoni Ewropea, waqt li fl-istess ħin jinkisru għanijiet bażiċi oħra tal-Unjoni, bħal-livell massimu ta’ impjieg u t-tkabbir ekonomiku (Artikolu 3 tat-TUE), jekk ma tiġix adottata l-ebda miżura ta' akkumpanjament. Fl-Unjoni Ewropea, is-settur tat-tabakk jimpjega kważi 1,5 miljun persuna. Minn dawn, 400 000 huma bdiewa li jkabbru l-weraq tat-tabakk u 956 000 impjieg jiddependu mill-bejgħ bl-imnut tat-tabakk (10). Barra minn hekk, kull sena jinġabru kważi EUR 100 biljun f’taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk u dan huwa settur li huwa importanti ħafna fil-kuntest tal-esportazzjonijiet, peress li huwa wieħed mill-ftit setturi li jżomm bilanċi pożittivi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’ħafna mill-Istati Membri. Fl-2010, l-esportazzjoni totali ta’ prodotti tat-tabakk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea kienet ta’ 55 000 tunnellata. L-akbar volumi ħarġu mill-Bulgarija (13 200), mill-Greċja (11 200) u minn Franza (8 000). Barra minn hekk, it-tabakk huwa prodott agrikolu li jagħti impjieg lil 400 000 persuna fl-Unjoni, fundamentalment f’reġuni żvantaġġati u mingħajr alternattivi. L-istatistika tal-UNITAB (Unjoni Taljana tat-Tabakk) u tal-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali fl-Unjoni Ewropea (COPA) juru li 96 % tal-intrapriżi agrikoli li huma ddedikati għat-tabakk huma intrapriżi tal-familji b’erja medja ta’ biedja bejn 0,5 u 3 ettari (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-proposta għal Direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea hija ċċentrata fuq sitt oqsma ta’ politika:

l-ittikkettjar u l-ippakkjar

l-ingredjenti

il-formati

it-traċċabilità u l-elementi tas-sigurtà

il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod

il-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux u l-estensjoni tal-ambitu tal-prodott regolat.

Minn dawn is-sitt oqsma, tlieta għandhom impatt enormi fuq l-impjieg u d-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea Fil-każ tal-ittikkettjar, l-ippakkjar u l-ingredjenti, il-proposta timponi twissijiet wiesgħa għas-saħħa li huma sproporzjonati għal dawk eżistenti, waqt li jillimitaw il-format, it-togħma u l-kontenut tal-prodotti tat-tabakk. Għalhekk, pereżempju, il-pakketti kollha jridu jinkludu twissijiet tas-saħħa bi stampa u messaġġ li jkopru 75 % tal-ippakkjar, li magħhom ser jiżdied kliem ġdid b’informazzjoni fil-ġnub tal-pakketti (50 % ta’ kull naħa), flimkien mat-timbru tad-dazju li huwa obbligatorju f’xi Stati Membri, il-messaġġ li jipprojbixxi l-bejgħ lill-minorenni u l-ispazju riżervat għall-miżuri ġodda għall-monitoraġġ u t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk. Fil-prattika dan ifisser tnaqqis kbir fl-ispazju disponibbli sabiex jintwerew il-marki kummerċjali li huma rreġistrati b’mod leġittimu. Barra minn hekk, għandu jkun hemm daqsijiet minimi għat-tul u l-wisa’ tal-pakketti, li jimplika li xi wħud mill-mudelli tal-pakketti ser jisparixxu. Dan huwa l-każ tal-pakketti forma ta’ “casket”, format popolari ħafna f’xi pajjiżi bħall-Greċja. Ser jisparixxi wkoll il-format l-aktar popolari ta’ pakketti fil-Portugall. Barra minn hekk, din il-bidla fl-ippakkjar, li mhix ibbażata fuq evidenza xjentifika, tista’ thedded l-impjiegi fis-settur tal-industrija tal-ippakkjar u tal-imballaġġ, li huwa importanti ħafna f’bosta pajjiżi, pereżempju, il-Ġermanja, il-Polonja, Franza, ir-Renju Unit u l-Awstrija. Għandu jiġi indikat li r-rekwiżiti minimi għat-tul u l-wisa’ tal-pakketti tat-tabakk ma kinux inklużi fil-Konsultazzjoni Pubblika u lanqas ma kienu jagħmlu parti mir-Rapport dwar l-Impatt. Il-bejgħ ta’ sigaretti li jinkludu tomgħiet karatterizzanti huwa pprojbit u ġiet ivvintata definizzjoni ġdida ta’ “sigaretti żgħar”, li tmur kontra l-leġislazzjonijiet fiskali li ilhom fis-seħħ fl-Unjoni għal ftit iktar minn sena (12).

3.2

B’konsegwenza ta’ dan, u peress li l-pakketti kollha ser ikollhom l-istess format filwaqt li s-sigaretti kollha ser ikollhom l-istess togħma, il-prezz ser ikun l-uniku element ta’ divrenzjar bejn il-marki kummerċjali, u minħabba f’hekk ser ikun hemm telf fil-katina ta’ valur tas-settur kollu. Bil-prezz ikun l-uniku element kompetittiv, il-prezzijiet ser jitbaxxew u dan ser joħloq, fuq naħa, tnaqqis fid-dħul finanzjarju tal-operaturi fis-settur u fil-ġbir tal-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, il-qerda tal-impjiegi fis-settur.

3.3

Dan id-divrenzjar uniku possibbli skont il-prezz ser iwassal, pereżempju, biex it-tabakk ta’ kwalità li jitkabbar fl-Unjoni Ewropea ma jibqax attraenti għall-kumpaniji b’fabbriki fl-UE, peress li l-kwalità mhux ser tibqa’ kriterju għax-xiri tal-werqa tat-tabakk, li, bil-kontra ta’ dak li indikat il-Kummissjoni fil-Valutazzjoni tagħha tal-Impatt, ser tipperikola serjament l-impjiegi li jiddependu minn dan il-ħsad. Attwalment, fl-Unjoni Ewropea, il-ħsid tal-werqa tat-tabakk jammonta għal 250 000 tunnellata ta’ tabakk fis-sena. L-Italja hija l-akbar produttur b’89 000 tunnellata, segwita mill-Bulgarija b’41 056 tunnellata, minn Spanja bi 38 400 tunnellata u mill-Greċja b’24 240 tunnellata. Din il-ħolqa tal-katina timpjega 400 000 persuna, immexxija mill-Bulgarija fejn hemm 110 000 persuna involuti fil-kultivazzjoni tat-tabakk, segwita mill-Polonja b’75 100 u mill-Italja b’59 300 (13).

3.4

Konsegwenza possibbli oħra tal-istandardizzazzjoni tal-format u t-togħma tista' tkun żieda fil-kuntrabandu tat-tabakk. Jekk il-prodotti kollha jispiċċaw ikunu kważi l-istess, ser tkun il-mafja li tibbenefika, peress li tista’ tiddiżinja bil-faċilità kollha l-prodotti tagħha ta’ kuntrabandu bil-formats u t-togħmiet oriġinali li jkunu draw bihom il-konsumaturi, sabiex tissodisfa din id-domanda permezz ta’ kanali mhux regolati u mingħajr ma tħallas ċenteżmu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri. Barra minn hekk, dawn il-prodotti mhux ser jiġu kkontrollati għall-kwalità, u dan ifisser li s-sigurtà tal-konsumaturi ser tkun tassew kompromessa.

3.5

Skont l-aħħar ċifri disponibbli, b'konsegwenza tal-kummerċ illeċitu, fl-Unjoni Ewropea kull sena ma jinġabrux EUR 10 biljun f'taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk. Attwalment, il-bejgħ ta’ tabakk bil-kuntrabandu fl-UE jirrappreżenta 10 % tat-total (14). Għalhekk il-KESE ma jistax ma jilqax il-protokoll dwar l-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, iffirmat fit-12 ta' Novembru 2012, taħt il-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk. Negozjat mill-Kummissjoni Ewropea f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-protokoll jappella lill-partjiet interessati biex jieħdu miżuri effettivi biex jiġu eliminati l-manifattura u l-kummerċ illeċitu tat-tabakk (15).

3.6

Apparti t-telf fid-dħul mit-taxxi, iż-żieda fil-kummerċ illeċitu ser twassal għal tnaqqis fil-bejgħ tat-tabakk, li jolqot lill-katina ta’ valur kollha iżda b’mod partikolari tista’ tolqot lill-istabbilimenti li jbiegħu t-tabakk bl-imnut. Kważi miljun impjieg jiddependi direttament jew indirettament mill-bejgħ bl-imnut tat-tabakk fl-Unjoni Ewropea, kemm permezz ta’ ħwienet kbar li jibqgħu miftuħin iżjed min-normal (convenience stores), kjoskijiet jew stabbilimenti speċjalizzati kif ukoll, fil-każ ta’ Franza, l-Italja, Spanja, u reċentement ħafna, l-Ungerija, permezz ta’ netwerks ta’ ħwienet regolati li jbiegħu tabakk u bolol u li huma kkontrollati mill-pajjiżi kkonċernati. Fil-Greċja biss, 40 000 impjieg jiddependu mill-bejgħ bl-imnut tat-tabakk (16).

3.7

Il-KESE jagħraf it-theddida li tista' tinħoloq għall-impjieg fis-setturi kollha tul il-katina tal-valur tal-produzzjoni, l-ippakkjar u l-bejgħ bl-imnut tat-tabakk u prodotti relatati, u f'setturi agrikoli fejn ma ġewx żviluppati alternattivi oħrajn u fejn is-sussidji tal-PAK m'għadhomx disponibbli. Għandu jiġi nnotat li t-tkabbir tat-tabakk jikkontribwixxi għall-impjiegi rurali. Il-KESE jappella għall-attenzjoni meħtieġa sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun dawn ir-riskji tas-suq tax-xogħol u jirrakkomanda bil-qawwi biex hawnhekk jintużaw il-forom kollha disponibbli ta' miżuri ta' tranżizzjoni u ta' ristrutturar, speċjalment skemi ta' taħriġ għall-ħaddiema flimkien ma' appoġġ xjentifiku, tekniku u tal-innovazzjoni għall-impriżi u l-azjendi agrikoli li jipproduċu tipi ġodda ta' prodotti, bil-għan li jinżammu l-impjiegi. Il-fondi ta' koeżjoni u fondi strutturali, il-fondi reġjonali u l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jintużaw b'mod effettiv fl-Istati Membri li huma l-aktar milquta b'dan ir-ristrutturar li jista' jkun hemm partikolarment fil-kuntest attwali ta' kriżi ekonomika.

3.8

Fi ftit kliem, il-KESE jagħraf li l-Proposta għal Direttiva jista' jkollha riskji konsiderevoli. Madankollu, il-KESE jitlob li jiġu kkunsidrati l-benefiċċji mistennija, kemm fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa, kif ukoll it-titjib fil-livell tas-saħħa pubblika, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċittadini Ewropej huma intitolati għal livell għoli ta' protezzjoni ta' saħħithom mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

3.9

Barra minn hekk, il-proposta għal Direttiva tinkludi sittax-il att iddelegat li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea setgħat sabiex temenda u tieħu deċiżjonijiet dwar elementi essenzjali tad-Direttiva, kwistjoni li hija espressament eskluża mill-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (17). B’dan il-mod, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma jibqagħlhom kważi l-ebda poter fuq il-bidliet għal aspetti fundamentali tad-Direttiva.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-miżuri inklużi fil-Proposta għal Direttiva huma restrittivi ħafna u mhumiex ibbażati fuq kriterji li għandhom l-għan li jnaqqsu l-“faxxinu” tat-tabakk sabiex jinkisbu l-objettivi tagħhom tas-saħħa. Barra minn hekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu implimentati pjani u kampanji edukattivi, li jindirizzaw speċifikament liż-żgħażagħ Ewropej. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li l-istima tal-Kummissjoni Ewropea nnifisha dwar l-effetti fuq is-saħħa li ser iħallu l-miżuri tagħha tista' tidher li ma tantx hija ambizzjuża (2 %). Madankollu, din il-progressività tista' tipprevjeni milli jiġu kkawżati danni ekonomiċi gravi ħafna u għalhekk potenzjalment sproporzjonati.

4.1.1

L-inklużjoni tat-twissijiet tas-saħħa li jkopru 75 % taż-żewġ uċuħ tal-pakkett flimkien mal-kliem informattiv ġdid li jkopri 50 % tal-ġnub (Artikolu 9) mhix ibbażata fuq evidenzi xjentifiċi żguri. Minkejja li studju ta’ Hammond (18) indika kemm huma effettivi dawn it-twissijiet, studji oħra, bħal dawk imwettqa mill-Università ta’ Maastricht (19) u mid-Dipartiment tal-Ikel u l-Mediċina (FDA) (20) tal-Istati Uniti, juru l-kuntrarju, jiġifieri li t-twissijiet bl-istampi mhumiex effettivi sabiex jonqos in-numru ta’ dawk li jpejpu. F’dan ir-rigward, skont l-Ewrobarometru tal-Kummissjoni Ewropea (21) nnifisha, disgħa minn kull għaxar persuni li jpejpu jirrikonoxxu li t-twissijiet ta’ daqs kbir ma jħeġġuhomx jieqfu jpejpu u sebgħa minn kull għaxra jemmnu li dan it-tip ta’ miżura ma jgħinx biex jitnaqqas il-konsum fost il-minorenni. Anke s-sentenza reċenti tal-Qorti Federali ta’ Appell tal-Istati Uniti waslet għall-konklużjoni li m’hemmx biżżejjed evidenza dwar dawn it-twissijiet kontra s-saħħa bi stampi ta’ daqs kbir. Għalhekk ġie affermat li m’hemm l-ebda evidenza li tiddikjara li dawn it-twissijiet ikkawżaw direttament tnaqqis sostanzjali fil-livelli tat-tipjip fl-ebda wieħed mill-pajjiżi fejn l-użu tagħhom huwa obbligatorju u li hemm id-dubji dwar kemm l-evidenza hija ta’ min joqgħod fuqha (22).

4.2

Din iż-żieda sproporzjonata tad-daqs tat-twissijiet tas-saħħa ser twassal ukoll għal:

l-esproprjazzjoni unilaterali tad-drittijiet leġittimi tal-proprjetà intellettwali u industrijali tal-produtturi, minħabba li mhux ser ikunu jistgħu jużaw il-marki kummerċjali reġistrati tagħhom. Skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (23), il-produtturi għandhom dritt jużaw il-marki kummerċjali reġistrati tagħhom u jkomplu jiddistingwixxu l-prodotti tagħhom;

restrizzjoni ġdida għall-kompetizzjoni f’settur fejn ma tantx hemm fatturi ta’ divrenzjar disponibbli;

il-ksur tad-drittijiet kummerċjali bażiċi inerenti fi kwalunkwe attività kummerċjali legali;

iż-żamma tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda fis-suq, u

l-eliminazzjoni tar-riċerka u ta’ titjib possibbli tal-kwalità tal-prodotti offruti. Ser jiġi limitat b’mod arbitrarju d-dħul ta’ prodotti ġodda ta’ ġenerazzjoni ġdida, mingħajr ma tingħata l-possibbiltà li jiġi stabbilit qafas regolatorju ċar li jservi sabiex jiġi analizzat it-tnaqqis tar-riskji li dawn il-prodotti jistgħu jkollhom fuq il-popolazzjoni, ħaġa li tista’ twaqqaf milli jinħolqu r-rikkezza u l-postijiet tax-xogħol assoċjati mal-innovazzjoni u r-riċerka relatati ma’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk, dawn il-prodotti ġodda b’riskju potenzjalment inqas m’għandhomx jiġu soġġetti għall-istess restrizzjonijiet li huma applikati għall-prodotti konvenzjonali.

4.3

L-istess japplika għar-restrizzjonijiet fuq ingredjenti sabiex jitneħħew tomgħiet u aromi karatterizzanti (Artikolu 6) li mhumiex ibbażati fuq evidenza xjentifika bħalma jistgħu jkunu t-tnaqqis tat-tossiċità jew l-effett tad-dipendenza ta’ dawn l-ingredjenti, iżda fuq kriterju daqstant suġġettiv bħal dak li jnaqqas l-attrazzjoni tat-tabakk u fuq sterjotipi suġġettivi bħat-tip ta’ tabakk li huwa mpejjep minn kull grupp ta’ età jew sess. Dan l-istess approċċ suġġettiv jidher fil-projbizzjoni arbitrarja, mingħajr kwalunkwe ġustifikazzjoni, ta’ ċerti formats, bħas-sigaretti rqaq (li ma kinux inklużi fil-konsultazzjoni pubblika u ma jagħmlux parti mir-rapport dwar l-impatt), is-sigaretti qosra u l-kategorija kollha ta’ sigaretti bil-mentol, l-istabbiliment ta’ piż minimu għall-pakketti tat-tabakk għat-tgeżwir, u l-istandardizzazzjoni tal-format tal-bottijiet tat-tabakk jew, b’mod partikolari, l-invenzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ “sigaretti żgħar” bi ksur tad-Direttiva 2011/64/UE (24), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011. Din il-projbizzjoni ta’ sigaretti rqaq u ta’ sigaretti bil-mentol, li huma kkunsmati ħafna f’diversi pajjiżi Ewropej, ser twassal sabiex il-konsumaturi ma jkollhomx aċċess għalihom u jkollhom jirrikorru għas-suq tal-kontrabandu sabiex ikunu jistgħu jiksbuhom. Barra minn hekk, dawn huma prodotti tat-tabakk li prinċipalment huma kkunsmati minn adulti li jpejpu, u għalhekk f’dan il-każ konkret ma jistax jiġi applikat l-argument li dan huwa maħluq sabiex jipprevjeni lill-minorenni milli jkollhom aċċess għat-tabakk. Fil-każ konkret tal-mentol, pereżempju, ta’ min ifakkar li dan it-tip ta’ tabakk huwa kkunsmat fundamentalment minn persuni adulti u li, barra minn hekk, pajjiżi b’leġislazzjonijiet żviluppati tajjeb fil-ġlieda kontra t-tipjip b’dispożizzjonijiet konkreti ħafna fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ ċerti ingredjenti, bħall-Istati Uniti u l-Kanada, ma pprojbixxewhx, u dan iwassal lill-KESE sabiex jipproponi sabiex titneħħa l-projbizzjoni relatata mal-mentol mill-Proposta għal Direttiva.

4.3.1

Fl-aħħar nett, il-KESE jaqbel totalment mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu pprojbiti prodotti ġodda mis-suq b’togħmiet taċ-ċjuwing-gamm, piña colada, mojito, eċċ., jiġifieri sigaretti bit-togħma tal-ħelu, li jistgħu jkunu destinati fundamentalment għall-konsumaturi żgħażagħ.

4.3.2

Restrizzjoni eċċessiva ta’ ingredjenti ser twassal għal standardizzazzjoni tat-togħma u, għalhekk, ser tkun impossibbli li l-kompetituri jiddivrenzjaw bejniethom waqt li l-investiment jiġi limitat u ser twassal ukoll għall-possibbiltà li jitniedu prodotti ġodda. Dan kollu ser ikun għad-detriment tal-konsumatur li ser titneħħielu l-possibbiltà tal-għażla.

4.4

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni definizzjoni ċara u qafas legali adegwat għall-prodotti b’inqas periklu, li jikkonkretizzaw b’mod xjentifiku u mingħajr dubju t-tnaqqis tar-riskju fir-rigward tas-sigaretti konvenzjonali. Il-kunċett ta’ “inqas periklu” huwa applikat għall-prodotti li jistgħu jissostitwixxu s-sigaretti konvenzjonali iżda li jimplikaw riskju ħafna inqas għas-saħħa u mhux għall-prodotti sabiex wieħed jieqaf ipejjep. Il-prodotti li fihom it-tabakk (u mhux nikotina kimika) u li għalhekk huma soġġetti għad-Direttiva jridu jkunu soġġetti ta’ definizzjoni u regolament ċari li permezz tagħhom il-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi tagħhom.

4.5

Barra minn hekk, fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kummerċ illeċitu tat-tabakk. Pereżempju, fl-Artikolu 14 tal-proposta l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi sistema ta’ provenjenza u traċċar kif ukoll miżuri differenti addizzjonali ta’ sikurezza, sabiex ikunu biss prodotti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea. Din il-miżura ser tinvolvi piż ekonomiku u amministrattiv sproporzjonat li ħafna intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ma jkunux jistgħu jġorru u dan, mhux talli ma jitnaqqasx il-kummerċ illeċitu, iżda jimponi piż amministrattiv akbar fuq l-Istati Membri meta jwettqu l-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, din is-sistema mhux ser tnaqqas il-kuntrabandu u l-kummerċ illeċitu li, għall-kuntrarju, ser jiġi mħeġġeġ mill-bqija tal-miżuri tal-proposta għal Direttiva. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Proposta għal Direttiva jridu jkunu eżattament l-istess bħall-klawżoli dwar il-monitoraġġ u t-traċċabbiltà li huma inklużi fil-Protokoll għall-Kummerċ Illeċitu li ġie konkluż fl-aħħar tas-sena li għaddiet fil-Konferenza tal-Partijiet tad-WHO (25).

4.6

Fl-aħħar, id-Direttiva ser tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li tuża l-atti ddelegati sabiex taġġusta u timmodifika, permezz tat-tixrid tal-atti ddelegati, l-aspetti fundamentali bħal, pereżempju, il-livelli ta’ addittivi kif ukoll il-kliem, il-post u d-daqs tat-twissijiet tas-saħħa. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ma jibqagħlhom kważi l-ebda poter fuq il-bidliet ta’ din id-Direttiva, u dan jinvolvi livell straordinarju ta’ intervenzjoniżmu li s’issa rarament intuża mill-Unjoni Ewropea u li jikser il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità bħalma diġà qegħdin jallegaw il-parlamenti nazzjonali ta’ tmien Stati Membri (26) (l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja). Fil-każ tal-Italja, il-parlament tiegħu mhux biss indika li l-proposta tikser dawn il-prinċipji, iżda enfasizza wkoll li xi wħud mit-tipi ta’ sigaretti li qegħdin jiġu pprojbiti, bħas-sigaretti rqaq u s-sigaretti b’livelli baxxi ta’ qatran jistgħu jkunu strument utli f’politika li għandha l-għan li l-persuni li jpejpu jnaqqsu jew jaqtgħu l-vizzju (27).

4.6.1

Pereżempju, il-proposta għal Direttiva, fl-Artikoli 8, 9 u 11, tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li, permezz ta’ atti ddelegati, timmodifika l-kliem, id-disinn, il-layout, il-format u l-post tat-twissijiet tas-saħħa. Anke l-Artikolu 6 jippermetti lill-Kummissjoni, permezz ta’ att iddelegat, li tiddeċiedi l-kontenuti u l-livelli massimi tal-addittivi.

4.6.2

Fil-każ tas-sigarri, is-sigaretti u t-tabakk tal-pipa, il-Proposta għal Direttiva tirriserva wkoll il-poter li telimina b’mod awtomatiku ċerti eċċezzjonijiet rikonoxxuti fit-test jekk iwasslu għal “bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi”, bidla li hija marbuta ma’ żieda fil-volum ta’ bejgħ ta’ mill-inqas 10 % f’mill-inqas 10 Stati Membri jew 5 % ta’ persuni li jpejpu u li għandhom inqas minn 25 sena. Il-Kummissjoni mhix konxja mill-fatt li f’10 mis-27 Stati Membri attwali, is-suq ta’ dawn il-prodotti huwa estremament żgħir u li bidla ta’ 10 % tista’ tiġri faċilment. Dan ifisser li l-miżura ma tagħmilx sens u tiġġenera inċertezza legali kbira f’dan is-sottosettur.

4.7

Għalkemm id-delegazzjoni tal-poteri permezz tal-atti ddelegati tinsab prevista fl-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li dawn ikunu konformi ma’ numru ta’ rekwiżiti. Att iddelegat jista’ jintuża biss f’rabta ma’ elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv. Dan mhux il-każ b’din il-proposta.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  L-Artikolu 114 tat-TFUE:

“1.

Ħlief fejn provdut xort’oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”

(2)  Ara l-Kawża C-491/01 The Queen vs Secretary of State for Health, ex parte British American Tobacco (Investments) Ltd u Imperial Tobacco Ltd.

(3)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 89/93.

(4)  http://europa.eu/rapid/press-release_OLAF-11-5_en.htm?locale=EN (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  “The European Tobacco Sector: An analysis of the socio-economic footprint” (Is-settur Ewropew tat-tabakk: analiżi tal-impronta soċjoekonomika), imfassal minn Nomisma u stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea stess tas-16 ta’ Novembru 2012. (iż-żewġ dokumenti mhumiex disponibbli bil-Malti).

(6)  Ibid.

(7)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=SWD:2012:0453:FIN:MT:PDF

(8)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 6/11.

(9)  Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar ambjent ħieles mit-tipjip (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  “The European Tobacco Sector: An analysis of the socio-economic footprint” (Is-settur Ewropew tat-tabakk: analiżi tal-impronta soċjoekonomika), imfassal minn Nomisma (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  DIVTOB: Diversification for Tobacco Growing Regions in the Southern European Union (Diversifikazzjoni għar-reġjuni li jkabbru t-tabakk fin-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea). l-Università ta’ Hohenheim, is-Sitt Programm Qafas iffinanzjat mir-Riċerka Ewropea u l-Iżvilupp Teknoloġiku.

(12)  Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24/36.

(13)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(14)  Ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(15)  Ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(16)  Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(17)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 0172 – 0172.

(18)  Hammond D. “Health warning messages on tobacco products: a review.” (Messaġġi ta’ twissijiet kontra s-saħħa fuq il-prodotti tat-tabakk: analiżi), Tobacco Control 2011; 20:327-3. Sambrook Research International, “A review of the science base to support the development of health warnings for tobacco packages” (Analiżi tal-bażi xjentifika sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ twissijiet kontra s-saħħa fuq il-pakketti tat-tabakk), Newport: Sambrook Research International; 2009 (rapport imħejji mill-Kummissjoni Ewropea).

(19)  http://www.maastrichtuniversity.nl/web/Main/Sitewide/News1/SmokersWillNotBePutOff1.htm.

(20)  Nonnemaker, J., et al., Experimental Study of Graphic Cigarette Warning Labels: Final Results Report Prepared for Center for Tobacco Products, Food and Drug Administration, (Studju sperimentali tat-tikketti fuq is-sigaretti bi twissijiet li jinkludu stampi: rapport fir-riżultati finali mħejji għaċ-Ċentru għall-Prodotti tat-Tabakk, Dipartiment tal-Ikel u l-Mediċina), Contract No. HHSF-223-2009-10135G, Diċ. 2010.

(21)  http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/eurobaro_attitudes_towards_tobacco_2012_en.pdf.

(22)  RJ Reynolds Tobacco Company v Food & Drug Administration, il-Qorti tal-Appell tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia Circuit, Awwissu 2012.

(23)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Ottubru 1990 fil-każ C-10/89.

(24)  Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24/36.

(25)  http://apps.who.int/gb/fctc/PDF/cop5/FCTC_COP5(1)-en.pdf.

(26)  http://www.ipex.eu/IPEXL-WEB/dossier/dossier.do?code=COD&year=2012&number=0366&appLng=EN.

(27)  Opinjoni tal-Kumitat tas-Sezzjoni għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Taljan dwar id-Dokument tal-Kummissjoni Ewropea COM(2012) 788 final.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Kontropinjoni

Ibdel it-test kollu tal-opinjoni b’dan it-test li ġej:

1.    Konklużjonijiet

1.1

Il-bażi legali tad-Direttiva proposta mill-Kummissjoni Ewropea hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)  (1) . L-għan tal-proposta huwa t-tqarrib tal-liġijiet u d-dispożizzjonijiet regolatorji l-oħra applikabbli għall-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk, bil-għan li jiġi assigurat il-funzjonament korrett tas-suq intern. Fil-punt 3.9.1 tal-Memorandum ta' Spjegazzjoni hemm speċifikat li din l-għażla ta' bażi legali ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Direttiva 2001/37/KE  (2) u l-istess bażi legali għalhekk hija adegwata għal din il-proposta. Għalhekk, kemm id-Direttiva tal-2001 kif ukoll din ir-reviżjoni proposta jippruvaw jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern b'livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tar-riskji mit-tabakk.

1.2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li l-għan li jitjieb il-funzjonament tas-suq intern jistħoqqlu l-appoġġ qawwi tiegħu: dan jagħti wkoll inċentiv addizzjonali lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi li huma meħtieġa u mixtieqa biex titħares is-saħħa tal-bniedem u jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri aktar stretti minn dawk li jinsabu fil-proposta.

1.3

B'konformità mal-ħafna opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-saħħa u temi relatati, il-KESE jaqbel totalment mal-Kummissjoni Ewropea li d-dritt għas-saħħa għandu jieħu prijorità fuq kwalunkwe kunsiderazzjoni ekonomika. Għalhekk, il-KESE huwa favur il-promozzjoni ta' edukazzjoni pubblika u pjani u kampanji li jqajmu kuxjenza dwar l-effetti serji tat-tipjip fuq is-saħħa. Dawn għandhom jaħdmu flimkien mal-għadd ta' miżuri proposti hawnhekk sabiex jitnaqqsu l-inċentivi biex iż-żgħażagħ jibdew ipejpu u biex jgħinu lil dawk li diġà huma dipendenti fuq in-nikotina biex jieqfu jpejpu. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi evidenzjata b’mod aktar ċar l-importanza fil-livell Ewropew tal-istrateġiji edukattivi u ta’ pariri mwettqa fl-iskejjel, b’tali mod li kull tifel/tifla u żgħażugħ/a jiġi infurmat b’mod korrett, sħiħ u regolari dwar ir-realtajiet tat-tipjip u l-effetti ta’ ħsara tiegħu, il-problemi tad-dipendenza u problemi oħra relatati mas-saħħa kkawżati min-nikotina, u dwar l-effetti karċinoġeniċi u effetti oħra fuq is-saħħa tal-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk dirett u fl-ambjent  (3).

1.4

Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li impjiegi speċifiċi jistgħu jkunu f'riskju li jintilfu f'żoni agrikoli fejn ma ġie żviluppat l-ebda tip ta' impjieg alternattiv u fejn is-sussidji tal-PAK relatati mal-produzzjoni tat-tabakk m'għadhomx disponibbli. F'dan il-każ, b'mod urġenti, għandha ssir disponibbli għajnuna tranżitorja, flimkien ma' appoġġ xjentifiku u tekniku biex jiġu żviluppati prodotti alternattivi, bl-istess qligħ, iktar sostenibbli, iktar aċċettabbli soċjalment u ta' inqas dannu, u fejn possibbli, impjiegi ta' kwalità aħjar. L-istess japplika għal kull impjieg f'riskju fil-katina tal-provvista b'konsegwenza diretta ta' din il-proposta; jekk dan huwa aħjar għas-saħħa pubblika, l-appoġġ pubbliku għal impjiegi ta' kwalità aħjar huwa ġustifikat u għandu jkun inkoraġġut.

1.5

Madanakollu, f'kull każ għandu jiġi kkunsidrat il-benefiċċju ewlieni: il-prevenzjoni tal-imwiet u l-mard marbut mat-tabakk tal-maniġers, ħaddiema u konsumaturi li diġà jpejpu u ta' dawk li jistgħu jibdew ipejpu ta' kwalunkwe età u impjieg, li minn issa 'l quddiem, jekk jiġu adottati dawn il-miżuri, ser ikunu taħt inqas pressjoni kummerċjali diretta biex jibdew ipejpu. Skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ser ikun hemm benefiċċju nett għall-ekonomija tal-UE ta' madwar EUR 4 miljun, iffrankar fil-kura tas-saħħa ta' EUR 506 miljun u 16,8 miljun sena ta' ħajja salvati (4). Għandhom jinħolqu impjiegi ġodda permezz ta' miżuri xierqa, bl-allokazzjoni mill-ġdid ta' fondi fl-UE u b'użu aħjar tad-dħul mit-taxxi fil-livell nazzjonali.

1.6

Il-KESE jinnota li attwalment fl-Unjoni Ewropea jinġabru madwar EUR 100 biljun f'taxxi mit-tabakk. It-taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk huma l-iktar mod effettiv u ekonomiku biex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk, speċjalment fost iż-żgħażagħ u gruppi bi dħul baxx (jiġifieri l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà) (5). L-istudji wrew li l-prezz tal-prodotti tat-tabakk huwa t-tielet l-iktar raġuni komuni biex min ipejjep jieqaf (6). Il-flus li jiġu ffrankati meta wieħed jieqaf jixtri l-prodotti tat-tabakk jistgħu jintużaw biex jinxtraw prodotti oħra, li fuqhom titħallas it-taxxa wkoll. Għandu jkun innutat ukoll li t-taxxi miġbura attwalment ikopru l-kura tas-saħħa ta' individwi li bdew ipejpu 50 sena ilu, dawk li jibdew ipejpu issa ser ikollhom bżonn l-istess kura 50 sena oħra. Jidher mill-esperjenza attwali li l-gvernijiet tal-Istati Membri jafu sew b'dan u qed jirnexxilhom ikomplu jgħollu d-dħul mit-taxxa minkejja t-tnaqqis fl-użu u l-bejgħ tat-tabakk madwar l-Ewropa. M'hemm ebda raġuni għalfejn din il-proposta għandha tbiddel dan.

1.7

Sabiex jiġu evitati żidiet addizzjonali fil-kummerċ illeċitu (jiġifieri l-kuntrabandu, l-iffalsifikar, il-produzzjoni u l-importazzjoni kontra l-liġi) minn netwerks kriminali, li jirrappreżenta l-ikbar theddida kemm għall-impjieg kif ukoll għall-ġbir tat-taxxi fl-UE, il-KESE jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li fl-Istati Membri tiġi applikata leġislazzjoni rilevanti b'mod effettiv u malajr. Għandhom jitressqu proposti ulterjuri, bi ftehim mal-industrija tat-tabakk, għal miżuri oħra li jillimitaw l-iffalsifikar u l-kuntrabandu u li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni, pereżempju blinkorporazzjoni ta' marki ta' identifikazzjoni jew ittikkettjar elettroniku fl-imballaġġ li diffiċli tikkopjahom. Il-KESE jirrikonoxxi li, bit-teknoloġija moderna, huwa relattivament faċli tiffalsifika kważi kull prodott jew pakkett; żieda tal-ispazju għat-twissijiet dwar is-saħħa x'aktarx mhux ser ikollu impatt sinifikanti.

1.8

Minbarra s-setgħat wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-aspetti essenzjali tad-Direttiva permezz ta' atti ddelegati, għandu jkun żgurat li t-teħid tad-deċiżjonijiet isir b'mod miftuħ u fl-interess tal-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza li l-azzjonijiet vinkolanti għandhom jikkonformaw mal-Artiklu 290 tat-TFUE.

1.9

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-kunċett tat-tnaqqis tar-riskju u għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara u qafas legali xieraq għall-"prodotti b'inqas periklu". Dan il-kumment huwa ta' rilevanza partikolari għall-prodotti li fihom it-tabakk, iżda b'inqas nikotina, jew fihom in-nikotina iżda mingħajr tabakk, li huma soġġetti għal din id-Direttiva. Il-KESE jirrikonoxxi li wħud minn dawn il-prodotti jistgħu jfissru pass 'il quddiem, minkejja li jridu jkomplu jiġu żviluppati kontrolli stretti, biex jonqsu l-effetti negattivi għal tul ta' żmien tat-tipjip tat-tabakk bħala konsegwenza tad-dipendenza min-nikotina.

2.    Daħla

2.1

Il-KESE jaf tajjeb bir-riskji li għandu t-tabakk, fil-forom kollha tiegħu, għas-saħħa pubblika. It-tabakk huwa l-aktar kawża sinifikanti ta’ mwiet prematuri fl-UE, responsabbli għal kważi 700 000 mewta kull sena. Għalhekk, il-proposta tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-persuni, b'mod partikolari ż-żgħażagħ u gruppi vulnerabbli oħra, milli jibdew jikkunsmaw it-tabakk. Il-proposta tinnota li 70 % ta' min ipejjep jibda qabel jagħlaq it-18-il sena u 94 % qabel il-25 sena, li jżid il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri fir-rigward tat-tfal u ż-żgħażagh (7).

2.2

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li r-reviżjoni tad-Direttiva hija assolutament neċessarja u, għalhekk, għandha titwettaq mingħajr dewmien. Jinnota li f'xi pajjiżi l-livell tal-konsum tat-tabakk baqa' għoli, anke fejn adottaw liġijiet stretti kontra t-tabakk. Huwa ċar ukoll li l-kontrolli attwali wasslu għal tnaqqis sinifikanti f'ħafna mill-Istati Membri. Fi Spanja, ġie rrapportat tnaqqis ta' 2 % fuq żmien qasir. Il-proposta attwali tixtieq twassal għal tnaqqis simili madwar l-Ewropa kollha. Il-KESE huwa wkoll favur il-promozzjoni ta' edukazzjoni pubblika u pjani u kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jenfasizzaw l-effetti serji tat-tipjip fuq is-saħħa.

2.3

Il-KESE jinnota li l-proposta qajmet tħassib dwar l-impjiegi, it-taxxi u l-ekonomija inġenerali fl-Unjoni Ewropea. L-industrija tat-tabakk indikat li tħaddem 1,5 miljun ruħ fl-UE, li minnhom madwar 400 000 huma involuti fit-tkabbir tal-weraq tat-tabakk. Ċifri mill-Kummissjoni u minn bnadi oħra jissuġġerixxu li dawn jinkludu dawk in-nies li huma involuti fil-katina ta' provvista tal-prodotti tat-tabakk fuq bażi staġonali jew huma temporanji jew jaħdmu part-time. L-għadd ta' nies li jaħdmu fit-tkabbir tat-tabakk direttament u unikament, pereżempju, huwa stmat għal inqas minn 100 000. Il-produzzjoni ta' dawn il-bdiewa tammonta għal kwart tat-tabakk użat għall-produzzjoni u l-bejgħ fl-UE, il-bqija huwa importat, l-iktar mill-Istati Uniti. Impjiegi oħra fl-ippakkjar, il-marketing, il-bejgħ, is-servizzi legali, u r-riċerka u d-distribuzzjoni m'għandhomx ikunu affettwati. Għalhekk, mhux ċar għaliex il-bidliet proposti għall-ippakkjar tal-prodott finali għandu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ta' impjieg attwali. Huwa wisq inqas ċar kif il-miżuri proposti jistgħu jiġu deskritti bħala kemm 'mingħajr provi u x'aktarx mhux se jirnexxu' - kif ukoll 'potenzjalment katastrofiċi' - għall-industrija tat-tabakk. Il-KESE jemmen li fil-fatt dan huwa bil-maqlub; li dawn il-miżuri ser ikollhom effett utli, siewi u proporzjonali fuq is-saħħa tal-bniedem b'effett żgħir biss fuq it-tkabbir u l-profitabbiltà globali tal-industrija. Fil-fatt, kull telf ta' bejgħ ġdid liż-żgħażagħ għandu jiġi kkumpensat sew mit-tnaqqis fil-bejgħ illeċitu, li hu ħafna ikbar u li mhu ta' benefiċċju għal ħadd ħlief għall-gruppi kriminali involuti.

2.4

Madanakollu, it-tkabbir tat-tabakk fl-UE verament jipprovdi impjiegi, prinċipalment f'żoni żvantaġġati fejn ftit li xejn ġew żviluppati alternattivi s'issa. Issa li s-sussidji tal-PAK għall-produzzjoni tal-weraq tat-tabakk m'għadhomx disponibbli, hemm bżonn urġenti ta' appoġġ tekniku u finanzjarju biex tiġi appoġġjata l-bidla għal sorsi ta' dħul li jagħmlu inqas ħsara, għal tul ta' żmien itwal u iktar sostenibbli. Kummenti simili japplikaw għal impjiegi oħra fil-katina tal-provvista; jekk dawn jintilfu fl-interess pubbliku, huwa ċar li l-appoġġ pubbliku huwa xieraq.

2.5

Kull sena jinġabru kważi EUR 100 biljun f'taxxi fuq il-prodotti tat-tabakk. Il-KESE jinnota li, waqt li dan jgħin biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kura tas-saħħa għal dawk li bdew ipejpu 50 sena ilu jew aktar, l-istess livell ta' taxxi ser ikun meħtieġ 50 sena oħra għall-kura ta' dawk li qed jixtru u jikkunsmaw il-prodotti tat-tabakk attwalment. Għalhekk żieda fit-taxxi hija essenzjali biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fil-bejgħ. S'issa jidher li l-gvernijiet tal-Istati Membri jafu sew b'dan u qed jirnexxilhom iżommu jew ikomplu jgħollu d-dħul ġenerali tagħhom mit-taxxa minkejja t-tnaqqis fil-bejgħ tat-tabakk f'dawn l-aħħar snin. Fir-Renju Unit, pereżempju, skont rapport li ħareġ dan l-aħħar ('All Party Parliamentary Group Report on Smoking and Health (2013)  (8)), bi prezzijiet li għolew b'mod kostanti bejn l-1992 u l-2011, u bit-taxxa stabbilita għal 75 % tal-prezz globali tal-bejgħ bl-imnut, il-bejgħ tas-sigaretti naqas b'51 % filwaqt li d-dħul mit-taxxa għall-gvern żdied b'44 %. It-tipjip fost l-adulti naqas minn 27 % għal 20 % tul perjodu simili.

2.6

Għalkemm il-parti l-kbira tal-prodotti tat-tabakk prodott fl-UE tinbiegħ lill-klijenti fl-UE, ċerta kwantità hija esportata. Ċifri tal-industrija juru esportazzjoni totali tal-prodotti tat-tabakk ta' madwar 55 000 tunnellata fl-2010, il-parti l-kbira lejn pajjiżi fl-Afrika u l-Asja fejn sfortunatament l-istennija tal-għomor hija baxxa wisq biex jidhru xi impatti negattivi speċifiċi fuq is-saħħa. Biż-żmien, u hekk kif jissolvew problemi oħra u tiżdied l-istennija tal-għomor, l-impatt tad-dipendenza min-nikotina u mill-użu tat-tabakk jibda jidher, bl-istess mod bħal mard ieħor esportat.

2.7

Il-KESE jinnota speċifikament, f'kuntrast ma' dan, li fil-pajjiżi iktar żviluppati tal-UE, hekk kif l-istennija tal-għomor u l-ħajja tax-xogħol ikomplu jitwalu, il-konsegwenzi tat-tipjip tat-tabakk ser isiru dejjem iktar ċari fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà inġenerali, u għalhekk ser isiru problema u responsabbiltà dejjem tikber u iżjed viżibbli kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema u għar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Fir-riċessjoni attwali, l-imwiet bikrija (u evitabbli) tal-impjegati u l-ħaddiema u t-telf tad-dħul jew il-pensjonijiet tagħhom ser iżidu mal-problemi tal-familji li diġà qed ibatu biex jissopravivu ekonomikament.

2.8

Il-KESE jinnota li għalkemm iż-żmien ta' induzzjoni għall-kanċers marbuta mat-tipjip jibqa' kostanti, l-istennija tal-għomor kumplessiva għal min ma jpejjipx tibqa' tiżdied. It-tnaqqis tal-istennija tal-għomor minħabba l-konsum tat-tabakk għalhekk qed jiżdied, minn sentejn għal tliet snin fil-bidu tas-seklu 20 għal 20 u 30 sena għal dawk li qed jibdew ipejpu t-tabakk attwalment jew matul il-perjodu kopert minn din il-proposta.

3.    Kummenti ġenerali

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk tiffoka fuq sensiela ta' miżuri li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, inklużi azzjonijiet biex jitnaqqas il-kummerċ illeċitu u li jiksbu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika fir-rigward tar-riskju mit-tabakk. Il-miżuri huma dawn:

l-ittikkettjar u l-ippakkjar

l-ingredjenti

miżuri għat-traċċabilità u s-sigurtà

il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod

il-prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux u t-twessigħ tal-firxa tal-prodotti regolati.

3.2

Fir-rigward tal-ittikkettjar, l-ippakkjar u l-ingredjenti, il-proposta titlob li jitwessgħu t-twissijiet dwar is-saħħa minħabba r-riskji serji għas-saħħa li jġib miegħu l-użu tat-tabakk.

3.3

Il-proposta tħalli lill-manifatturi jżommu l-ħwawar essenzjali għall-marki attwali tagħhom iżda tillimita l-użu ta' addittivi ġodda mhux marbuta mat-tabakk intiżi biex ikabbru s-suq speċjalment fost iż-żgħażagħ. Il-pakketti kollha jridu jinkludu twissijiet tas-saħħa bi stampa u messaġġ li jkopru 75 % tal-pakkett, li magħhom ser jiżdied kliem ġdid b’informazzjoni fil-ġnub tal-pakketti (50 % ta’ kull naħa), flimkien mat-timbru tad-dazju li huwa obbligatorju f’xi Stati Membri, il-messaġġ li jipprojbixxi l-bejgħ lill-minorenni u l-ispazju riżervat għall-miżuri ġodda għall-monitoraġġ u t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk. Dan ifisser tnaqqis fl-ispazju disponibbli sabiex jintwerew il-marki kummerċjali li huma rreġistrati b’mod leġittimu u xbiehi oħra relatati mal-marketing. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu imballaġġ kompletament ġeneriku jekk jixtiequ, imma dan mhuwiex meħtieġ taħt din il-proposta. Barra minn hekk, ser ikun hemm daqsijiet minimi fuq it-tul u l-wisa’ tal-pakketti, li ser ifisser li wħud mill-mudelli tal-pakketti, b'mod partikolari dawk iddisinjati biex jiġbdu liż-żgħażagħ, ser jisparixxu. Fl-2009, l-Istati Uniti introduċew deċiżjonijiet simili biex titnaqqas il-mira lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Kumitat jappoġġja dawn il-miżuri kollha.

3.4

Dan ser jeħtieġ bidliet fid-disinn tal-pakketti iżda ma jidhirx li dan jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-impjiegi fl-ippakkjar, f'pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Polonja, Franza, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija. Il-bejgħ bażiku tal-prodotti tat-tabakk lesti f'kull forma huwa mistenni li jkompli bl-istess ritmu billi għandu suq ta' utenti eżistenti ta' madwar 150 000 000 madwar l-UE li diġà huma dipendenti fuq in-nikotina. Madanakollu l-potenzjal għal gwadann sinifikanti għas-saħħa pubblika - kemm ekonomikament kif ukoll fuq kollox f'termini ta' tnaqqis tat-tbatija umana - għandha tkun enfasizzata, flimkien mal-fatt li dawk li kienu jpejpu ser jonfqu l-flus f'affarijiet oħra u għalhekk jiġġeneraw opportunitajiet għal impjiegi ġodda. Huwa stmat li l-piż ekonomiku annwali tal-konsum tat-tabakk fl-UE huwa ta' EUR 517-il biljun (9). Fil-livell tal-Istati Membri, l-ispejjeż totali huma stmati għal madwar 4,6% tal-PDG tal-UE (10). Attwalment, l-UE qed titlef EUR 25,3 biljun fi spejjeż għal kura tas-saħħa marbuta mal-konsum tat-tabakk u EUR 8,3 biljun f'telf ta' produttività (11). Dan kważi jilħaq id-dħul tal-industrija tat-tabakk mill-katina tal-provvista kollha (minbarra t-taxxi) li jammonta għal EUR 35 biljun.

3.5

Il-KESE jinnota li l-ispejjeż attribwiti direttament għal mard li jiġi mill-użu tal-prodotti bin-nikotina u t-tabakk huma l-aħjar stimi attwali tal-ispejjeż reali tal-Istati Membri. Dawn huma sinifikament inqas mill-valur ta' ħajja umana f'dan il-każ (EUR 1 miljun għal kull ħajja mitlufa jew imnaqqsa), li l-Kummissjoni użat f'valutazzjonijiet tal-impatt preċedenti biex tiġġustifika leġislazzjoni biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż mistennija għan-negozji u oħrajn. Jekk f'dan il-każ jintuża dan in-numru ħafna ikbar, dan iżid l-inċentivi perċepiti biex tiġi adottata din il-proposta għal EUR 700 biljun, li jxejjen kull kunsiderazzjoni oħra.

3.6

Għandu jkun innutat ukoll li t-tipjip u l-vizzji marbuta miegħu ma jġibu ebda benefiċċji soċjali jew ekonomiċi għall-utenti minbarra l-ħelsien mill-konsegwenzi tad-dipendenza tagħhom min-nikotina. Li wieħed jieqaf ipejjep hija fil-fatt diffiċli u sseħħ bil-mod minħabba din id-dipendenza. Sfortunatament, anke l-fatt li kważi nofs l-utenti kollha (klijenti, ċittadini u individwi vulnerabbli) eventwalment ser imutu qabel iż-żmien minħabba l-vizzju mhux biżżejjed biex wieħed jegħleb din id-dipendenza, għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jitnaqqsu l-inċentivi kollha biex wieħed jibda jpejjep.

3.7

Il-miżuri introdotti hawn m'għandhomx l-għan li jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet ta' adulti li jpejpu diġà, u fil-fatt m'hemm kważi l-ebda ċans ta' dan, iżda, skont l-esperjenzi minn madwar id-dinja, għandhom inaqqsu l-inċentivi biex iż-żgħażagħ jibdew ipejpu. Qabel kollox, it-tnaqqis tal-għadd ta' persuni li jpejpu ser inaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa b'mod sinifikanti, u biż-żmien ser isalva ħafna ħajjiet u jnaqqas it-tbatija umana.

3.8

Il-KESE jinnota li din il-proposta ma tasalx biex tintroduċi ppakkjar totalment standardizzat, b'kuluri u fonts standardizzati bħal ma jużaw l-Awstralja. Il-marki individwali ser jibqgħu hemm, b'isem il-manifattur u l-ħwawar tat-tabakk speċifiċi. Il-ħtieġa ta' kwalità tal-prodott ser tkompli tkun rilevanti billi l-konsumatur ser jibqa' infurmat dwar il-manifattur tal-prodott li qed jixtri.

3.9

Hemm ftit li xejn evidenza ċara li dawn il-bidliet għar-regoli tal-ippakkjar ser iwasslu għal żieda fl-iffalsifikar jew il-kuntrabandu tat-tabakk. Għall-kuntrarju, l-użu tat-tabakk illeċitu minn min ipejjep huwa marbut mill-qrib mal-prezz u d-disponibbiltà (12). Skont l-aħħar ċifri mill-industrija, bħala konsegwenza ta' dan il-kummerċ illeċitu, qed jintilfu EUR 10 biljun fis-sena mid-dħul mit-taxxi. Il-bejgħ tat-tabakk bil-kuntrabandu bħalissa jirrappreżenta 10 % tat-total tal-UE (13). Il-provvista minn barra l-UE, prinċipalment mir-Russja u ċ-Ċina, hija disponibbli faċilment. Id-domanda hija għolja fil-pajjiżi li qed ibatu minn restrizzjonijiet ekonomiċi u/jew rata ta' tassazzjoni għolja fuq il-prodotti tat-tabakk. Il-bejgħ illeċitu jhedded l-impjiegi fl-UE, inaqqas id-dħul mit-taxxa għall-gvernijiet u jnaqqas il-profittabbiltà tal-bejgħ leġittimu. Għalhekk, għandu jsir kull sforz possibbli biex jiġi llimitat il-kuntrabandu tat-tabakk, pereżempju, billi tittejjeb is-sigurtà, bl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza u prevenzjoni u billi l-prodotti tat-tabakk ikunu soġġetti għal kontrolli tal-kwalità iktar stretti. Għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta' marki ta' identifikazzjoni mqabbża jew tikkettjar elettroniku, flimkien ma' miżuri oħra diġà miftiehma mal-industrija tat-tabakk.

3.10

Ikunu xi jkunu l-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti, wieħed irid iżomm f'moħħu li l-benefiċċji potenzjali globali ta' titjib fis-saħħa pubblika jekk jonqos il-konsum tat-tabakk huma ħafna ogħla. L-istudji wrew li l-gvernijiet u l-impjegaturi li ħadu azzjoni biex jipprojbixxu t-tipjip fuq il-post tax-xogħol innutaw effetti pożittivi immedjati (produttività ogħla, inqas assenzi, inqas spejjeż għall-manutenzjoni tal-faċilitajiet u inqas spejjeż għall-kura tas-saħħa u l-assigurazzjoni tas-saħħa) (14).

3.11

Barra minn hekk, il-proposta tinkludi sittax-il att iddelegat li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea setgħat sabiex temenda u tieħu deċiżjonijiet dwar elementi speċifiċi tad-Direttiva, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea  (15).

4.    Kummenti speċifiċi

4.1

Id-Direttiva għandha tkompli tiffoka biex tikseb il-miri kemm tas-suq intern kif ukoll tas-saħħa pubblika li hi tistabbilixxi, bl-implimentazzjoni kemm ta' miżuri għal żmien qasir kif ukoll dawk għal żmien twil. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li l-istima tal-Kummissjoni Ewropea nnifisha dwar l-effetti fuq is-saħħa li ser iħallu l-miżuri tagħha hija tnaqqis ta' 2 % fl-għadd ta' dawk li jpejpu attwalment jew probabbli li jpejpu. Id-Direttiva għandha l-intenzjoni ewlenija li tevita li jikber il-konsum u mhux li tnaqqas il-livell tal-użu attwali. Għalkemm il-persentaġġ jista' jidher baxx, hemm impatt pożittiv ċar f'għadd ta' oqsma differenti.

4.2

Persuni ta' età tax-xogħol li jieqfu jpejpu (kif ukoll dawk li setgħu jibdew imma qatt ma pejpu) jgħixu iktar fit-tul u għalhekk għandhom ħajja tax-xogħol itwal. Huwa stmat li attwalment min ipejjep imut 14-il sena qabel min qatt ma pejjep, minħabba mard marbut mat-tipjip jew kumplikazzjonijiet relatati. Hekk kif l-istennija tal-għomor tiżdied, speċjalment għal min ma jpejjipx, tiżdied ukoll din id-differenza. Tnaqqis ta' 2 % fil-konsum tat-tabakk ifisser 2,4 miljun persuna li tieqaf tpejjep u gwadann ta' 16,8 miljun sena ta' ħajja. Dan jirrappreżenta gwadann ta' EUR 10,3 biljun kull sena għas-soċjetà u jnaqqas l-ispiża għall-kura tas-saħħa b'EUR 506 miljun fis-sena. Il-benefiċċji li jiġu minn produttività ogħla minħabba inqas assenteiżmu, irtirar kmieni u sitwazzjonijiet simili jammontaw għal EUR 165 miljun fis-sena  (16).

4.3

L-inklużjoni tat-twissijiet tas-saħħa li jkopru 75 % taż-żewġ uċuh tal-pakkett, flimkien mal-kliem informattiv ġdid li jkopri 50 % tal-ġnub (Artikolu 9) huma parti minn pakkett ta' miżuri li jgħinu biex jonqos l-għadd kumplessiv ta' min ipejjep. L-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk għandu jkun iddisinjat b'tali mod li l-informazzjoni li jipprovdi dwar il-kontenut tal-prodott ma tkunx qarrieqa. Għalhekk għandu jinkludi indikazzjoni ċara tar-riskji tas-saħħa involuti, mhux l-inqas fosthom il-mewt bikrija. Għandu jkun hemm twissijiet fuq il-post tal-bejgħ. Ovvjament, ir-reklami ħdejn il-post tal-bejgħ għandhom ikunu pprojbiti.

4.4

Ir-restrizzjonijiet dwar l-ingredjenti li jitolbu t-tneħħija ta' ħwawar karatteristiċi li ddaħħlu apposta (Artikolu 6) u l-preżentazzjoni viżiva tal-pakkett huma ta' importanza partikolari. Wieħed mill-kriterji oġġettivi, bħal li t-tabakk isir inqas attraenti, huwa partikolarment rilevanti għal xi gruppi ta' età u ta' ċertu sess, speċifikament it-tfajliet u t-tfal bniet, li attwalment huwa wieħed mill-iktar swieq li qed jespandi malajr fl-UE u għalhekk taħt l-aktar pressjoni intensiva tar-riklamar biex dawn jaqbdu jpejpu.

4.5

Madankollu, il-KESE jaqbel totalment mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu pprojbiti prodotti ġodda mis-suq b’togħmiet taċ-ċjuwing-gamm, piña colada, mojito, eċċ., jiġifieri sigaretti bit-togħma tal-ħelu, li jistgħu jkunu destinati fundamentalment għall-konsumaturi żgħażagħ. Il-pakketti slim ukoll huma mmirati lejn it-tfajliet, biex jippruvaw jorbtu l-forma tal-ġisem, il-piż u l-glamour ma' vizzju li eventwalment iwassal għall-mewt bikrija ta' nofshom. Billi l-perikli inevitabbli u għal tul ta' żmien tat-tipjip tat-tabakk ikkawżat min-nikotina issa huma magħrufin u aċċettati minn kulħadd, il-KESE ma jifhimx kif ġew żviluppati u saħansitra attwati dawn l-istrateġiji tas-suq minn manifatturi responsabbli.

4.6

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni definizzjoni ċara u qafas legali adegwat għall-prodotti b’inqas periklu, li huwa ppruvat b’mod xjentifiku u mingħajr dubju li huma inqas riskjużi mis-sigaretti konvenzjonali. Il-kunċett ta’ “inqas periklu” huwa applikat għall-prodotti li jistgħu jissostitwixxu s-sigaretti konvenzjonali iżda li jimplikaw riskju ħafna inqas għas-saħħa u mhux għall-prodotti sabiex wieħed jieqaf ipejjep. Dawk il-prodotti li fihom it-tabakk b'inqas nikotina jew, aħjar, in-nikotina mingħajr tabakk (sigaretti elettroniċi) u li huma soġġetti għad-Direttiva għandhom ikunu definiti u regolati b'mod ċar biex il-konsumaturi jkunu infurmati dwar ir-riskji jew il-benefiċċji tagħhom fuq tul ta' żmien meta mqabbla ma' prodotti tat-tabakk konvenzjonali.

4.7

Fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kummerċ illeċitu tat-tabakk. Pereżempju, fl-Artikolu 14 tal-proposta l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi sistema ta’ provenjenza u traċċar, kif ukoll miżuri differenti addizzjonali ta’ sikurezza, sabiex ikunu biss prodotti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri ser jinvolvu piż ekonomiku u amministrattiv li l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju jistgħu jsibu diffiċli li jġorru (meta mqabbla mal-erba' jew ħames kumpaniji multinazzjonali ewlenin li jiddominaw il-kummerċ globali fil-prodotti marbuta mat-tabakk u n-nikotina) u ser jimponu piż amministrattiv ikbar fuq l-Istati Membri meta jwettqu spezzjonijiet. Wieħed irid jispera li s-sistema tnaqqas il-kuntrabandu u l-kummerċ illeċitu. F’dan il-kuntest, il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Proposta għandhom ikunu eżattament l-istess bħall-klawżoli dwar il-monitoraġġ u t-traċċabbiltà li huma inklużi fil-Protokoll għall-Kummerċ Illeċitu li ġie konkluż fl-aħħar tas-sena li għaddiet fil-Konferenza tal-Partijiet tad-WHO (17).

4.8

Fil-każ tas-sigarri, is-sigarri żgħar u t-tabakk tal-pipa, iwissi li l-Proposta għal Direttiva tirriserva l-poter li telimina b’mod awtomatiku ċerti eċċezzjonijiet rikonoxxuti fit-test jekk ikun hemm “bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi”, bidla li hija marbuta ma’ żieda fil-volum ta’ bejgħ ta’ mill-inqas 10 % f’mill-inqas 10 Stati Membri jew 5 % ta’ persuni li jpejpu u li għandhom inqas minn 25 sena. Madanakollu, is-suq għal dawn il-prodotti f'għaxra minn 27 Stat Membru attwali huwa żgħir ħafna u bidla ta' 10 % tista' sseħħ mingħajr impatt sinifikanti fuq l-impjiegi u d-dħul mit-taxxi.

4.9

Il-KESE jinnota li l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi d-delegazzjoni tal-poteri permezz ta' atti ddelegati li jikkonformaw ma’ għadd ta’ rekwiżiti. Atti ddelegati jistgħu jintużaw biss fir-rigward ta' elementi mhux essenzjali ta' att leġislattiv.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

89

Kontra

:

162

Astensjonijiet

:

17

Punt ġdid 1.4

It-test il-ġdid

Filwaqt li jenfasizza l-importanza ta' popolazzjoni f'saħħitha u tal-benefiċċji li jirriżultaw f'diversi oqsma, il-KESE jipproponi li l-Istati Membri jippromovu l-estensjoni tal-ispazji fejn ma jsirx tipjip (smoke-free environments), li fihom iċ-ċittadini jistgħu jsibu appoġġ kemm morali kif ukoll mediku, destinati l-aktar għaż-żgħażagħ, l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, l-intrapriżi, eċċ. Jeħtieġ ukoll li jiġu appoġġjati t-tħejjija u ż-żamma ta' metodi differenti ta' appoġġ u ta' netwerks differenti ta' kooperazzjoni li jkunu innovattivi u edukattivi.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 1.5

Ibdel it-test kif ġej:

Hemm ir-riskju li jonqos ħafna d-dħul mit-taxxi, mhux biss minħabba ż-żieda fil-kummerċ illeċitu, iżda wkoll minħabba li jonqos il-bejgħ u jitbaxxew il-prezzijiet. Attwalment, it-taxxi miġbura minn fuq it-tabakk fl-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw kważi EUR 100 biljun. L-intaxxar tat-tabakk hu l-aktar mod effikaċi u ekonomiku biex jonqos il-konsum tat-tabakk, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u l-gruppi ta’ nies bi dħul baxx (18). Ir-riċerka turi li l-prezz tal-prodotti tat-tabakk hu t-tielet raġuni l-aktar frekwenti għaliex in-nies jgħidu li jieqfu jpejpu (19). Ta’ min jindika wkoll li l-flus iffrankati, li qabel kienu jintefqu fuq il-prodotti tat-tabakk, ser jintużaw biex jinxtraw oġġetti oħra li fuqhom jitħallsu t-taxxi wkoll.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 1.8

Ibdel it-test kif ġej:

Apparti l-poteri wesgħin mogħtija lill- Jekk il-Kummissjoni tingħata poteri wesgħin sabiex tiżviluppa aktar l-aspetti essenzjali tad-Direttiva permezz ta’ atti ddelegati, huwa importanti li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti u fl-interessi tal-Istati Membri dan ser jirfes fuq il-kompetenzi sovrani tal-Istati Membri u b’hekk jinkiser il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jenfasizza li azzjoni vinkolanti għandha tkun konformi mal- ma jistax jaċċetta atti ddelegati li ma jagħmlux parti minn dak li huwa espressament indikat fl-Artikolu 290 tat-TFUE. Barra minn hekk, tmien parlamenti nazzjonali (kontroll tas-sussidjarjetà) esprimew 14-il vot kontra l-proposta tal-Kummissjoni peress li din ma tirrispettax il-prinċipju tas-sussidjarjetà (20).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 1.9

Ibdel it-test kif ġej:

Il-KESE jappoġġja l-kunċett li jitnaqqas ir-riskju u għalhekk jappella lill-Kummissjoni għal definizzjoni ċara u qafas legali adegwat għall-prodotti b’inqas periklu, li jikkonkretizzaw b’mod xjentifiku u mingħajr dubju t-tnaqqis tar-riskju fir-rigward tas-sigaretti konvenzjonali, ; dan il-kumment japplika b’mod partikolari għall-prodotti li fihom it-tabakk (u mhux nikotina kimika) u li għalhekk huma soġġetti għad-Direttiva.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 3.1.

Ibdel it-test kif ġej:

Minn dawn is-sitt oqsma, tlieta għandhom impatt enormi fuq l-impjieg u d-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea Fil-każ tal-ittikkettjar, l-ippakkjar u l-ingredjenti, il-proposta timponi twissijiet wiesgħa għas-saħħa aktar viżibbli li huma sproporzjonati għal dawk eżistenti, waqt li jillimitaw il-format, it-togħma u l-kontenut tal-prodotti tat-tabakk. Għalhekk, pereżempju, il-pakketti kollha jridu jinkludu twissijiet tas-saħħa bi stampa u messaġġ li jkopru 75 % tal-ippakkjar, li magħhom ser jiżdied kliem ġdid b’informazzjoni fil-ġnub tal-pakketti (50 % ta’ kull naħa), flimkien mat-timbru tad-dazju li huwa obbligatorju f’xi Stati Membri, il-messaġġ li jipprojbixxi l-bejgħ lill-minorenni u l-ispazju riżervat għall-miżuri ġodda għall-monitoraġġ u t-traċċabbiltà tal-prodotti tat-tabakk. Fil-prattika dan ifisser tnaqqis kbir fl-ispazju disponibbli sabiex jintwerew il-marki kummerċjali li huma rreġistrati b’mod leġittimu. Barra minn hekk, għandu jkun hemm daqsijiet minimi għat-tul u l-wisa’ tal-pakketti, li jimplika li xi wħud mill-mudelli tal-pakketti ser jisparixxu. Dan huwa l-każ tal-pakketti forma ta’ “casket”, format popolari ħafna f’xi pajjiżi bħall-Greċja. Ser jisparixxi wkoll il-format l-aktar popolari ta’ pakketti fil-Portugall. Barra minn hekk, din il-bidla fl-ippakkjar, li mhix ibbażata fuq evidenza xjentifika, tista’ thedded l-impjiegi fis-settur tal-industrija tal-ippakkjar u tal-imballaġġ, li huwa importanti ħafna f’bosta pajjiżi, pereżempju, il-Ġermanja, il-Polonja, Franza, ir-Renju Unit u l-Awstrija. Għandu jiġi indikat li r-rekwiżiti minimi għat-tul u l-wisa’ tal-pakketti tat-tabakk ma kinux inklużi fil-Konsultazzjoni Pubblika u lanqas ma kienu jagħmlu parti mir-Rapport dwar l-Impatt. Il-bejgħ ta’ sigaretti li jinkludu tomgħiet karatterizzanti huwa pprojbit u ġiet ivvintata definizzjoni ġdida ta’ “sigaretti żgħar”, li tmur kontra l-leġislazzjonijiet fiskali li ilhom fis-seħħ fl-Unjoni għal ftit iktar minn sena (21). Il-preżentazzjoni viżiva l-ġdida tal-pakketti kif ukoll ir-rekwiżiti minimi dwar it-tul u l-wisa’ tagħhom ser ikollhom effetti pożittivi b’mod partikolari li ma jħajrux lill-grupp li jinsab fir-riskju, jiġifieri t-tfal u ż-żgħżagħ. L-istudji juru b’mod ċar għall-aħħar li l-ippakkjar huwa għodda tal-marketing għall-bejgħ tal-prodotti. Bħalissa, l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk sikwit jitfassal b’mod strateġiku biex jiġbed udjenza speċifika: l-istudji juru li pereżempju fil-Latvja, in-nisa jaħsbu li jekk jagħżlu prodott b’pakkett ċar ikunu qed jagħżlu prodott b’kontenut aktar baxx ta’ qatran u li għalhekk jagħmel inqas ħsara lis-saħħa. Barra minn hekk, it-tfal iqisu li pakkett ikkulurit ifisser li l-prodott m’għandu l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa (22). Għaldaqstant, l-ippakkjar standardizzat, jekk possibbli ta’ apparenza sempliċi, mhux ser jidħak bil-konsumaturi fir-rigward tal-effetti reali tal-prodott. Għall-kuntrarju, l-istudji juru li pakketti sempliċi jqanqlu sens “ta’ dwejjaq, intiena, stmellija u qdumija”, eċċ (23).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 3.2

Ibdel it-test kif ġej:

B’konsegwenza ta’ dan, u peress li l-pakketti kollha ser ikollhom l-istess format filwaqt li s-sigaretti kollha ser ikollhom l-istess togħma, il-prezz ser ikun l-uniku element ta’ divrenzjar bejn il-marki kummerċjali, u minħabba f’hekk ser ikun hemm telf fil-katina ta’ valur tas-settur kollu. Bil-prezz ikun l-uniku element kompetittiv, il-prezzijiet ser jitbaxxew, iżda l-Istati Membri xorta waħda ser ikunu jistgħu japplikaw dazji tas-sisa ogħla biex joħolqu d-dħul u dan ser joħloq, fuq naħa, tnaqqis fid-dħul finanzjarju tal-operaturi fis-settur u fil-ġbir tal-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, il-qerda tal-impjiegi fis-settur.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt ġdid 3.3

It-test il-ġdid

Anki jekk l-imballaġġ tal-prodotti tat-tabakk ser jiġi standardizzat, u b'hekk jitnaqqsu s-sinjali distintivi tal-produtturi differenti, ser ikun hemm spazju delimitat fuq l-imballaġġ allokat għad-denominazzjoni standardizzata tal-intrapriża u tal-prodott, fejn id-daqs, il-kulur u l-karattri stampati ser ikunu uniformi. Il-kriterju tal-kwalità tal-prodott ser jippreserva l-attwalità tiegħu peress li l-konsumatur dejjem ser ikun infurmat dwar il-produttur u minn fejn ġej il-prodott li qed jakkwista.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 3.3

Ħassar it-test kif ġej:

Dan id-divrenzjar uniku possibbli skont il-prezz ser iwassal, pereżempju, biex it-tabakk ta’ kwalità li jitkabbar fl-Unjoni Ewropea ma jibqax attraenti għall-kumpaniji b’fabbriki fl-UE, peress li l-kwalità mhux ser tibqa’ kriterju għax-xiri tal-werqa tat-tabakk, li, bil-kontra ta’ dak li indikat il-Kummissjoni fil-Valutazzjoni tagħha tal-Impatt, ser tipperikola serjament l-impjiegi li jiddependu minn dan il-ħsad. Attwalment, fl-Unjoni Ewropea, il-ħsid tal-werqa tat-tabakk jammonta għal 250 000 tunnellata ta’ tabakk fis-sena. L-Italja hija l-akbar produttur b’89 000 tunnellata, segwita mill-Bulgarija b’41 056 tunnellata, minn Spanja bi 38 400 tunnellata u mill-Greċja b’24 240 tunnellata. Din il-ħolqa tal-katina timpjega 400 000 persuna, immexxija mill-Bulgarija fejn hemm 110 000 persuna involuti fil-kultivazzjoni tat-tabakk, segwita mill-Polonja b’75 100 u mill-Italja b’59 300 (24).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 3.7

Ibdel it-test kif ġej:

Barra minn hekk, il-proposta għal Direttiva tinkludi sittax-il att iddelegat li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea setgħat sabiex temenda u tieħu deċiżjonijiet dwar elementi essenzjali partikolari tad-Direttiva, kwistjoni li hija espressament eskluża mill- b’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (25). B’dan il-mod, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma jibqagħlhom kważi l-ebda poter fuq il-bidliet għal aspetti fundamentali tad-Direttiva.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.1.1 ġdid

Żid punt ġdid:

Fil-pajjiżi li esperjenzaw kriżi ekonomika fis-snin reċenti, bħal-Latvja, l-ispejjeż relatati mas-saħħa u dawk ekonomiċi b’riżultat tal-konsum tat-tabakk huma sorprendentement għolja – il-mewt relatat mal-konsum tat-tabakk huwa ta’ 25 % għall-irġiel u 4 % għan-nisa, filwaqt li fl-istess pajjiż, 12 % tal-mard huwa relatat mal-konsegwenzi tal-konsum. L-istima tal-ispejjeż assoċjati mal-kura tagħhom laħqet id-EUR 29 miljun, jew 3,27 % tal-baġit totali għall-kura tas-saħħa. It-telf produttiv relatat mal-assenteiżmu minħabba problemi relatati mat-tipjip jammonta għal 29,5 %, jiġifieri fil-Latvja stess dan jammonta għal telf ta’ EUR 12-il miljun. Barra minn hekk, l-imwiet prematuri minħabba t-tipjip iwasslu għal spiża għolja, li tammonta għal madwar EUR 2,5 biljun, jew 9,3 % tal-PDG (26).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.2

Ibdel it-test kif ġej:

Din iż-żieda sproporzjonata tad-daqs ta Dawn it-twissijiet tas-saħħa ser twassal ukoll għalikollhom l-effetti li ġejjin:

l-esproprjazzjoni unilaterali il-preservazzjoni tad-drittijiet leġittimi tal-proprjetà intellettwali u industrijali tal-produtturi, minħabba li mhux ser ikunu jistgħu jkomplu jużaw il-marki kummerċjali reġistrati tagħhom. Skont i Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tqis li drittijiet imsemmija jistgħu jiġu limitati għax mhumiex assoluti (27), il-produtturi għandhom dritt jużaw il-marki kummerċjali reġistrati tagħhom u jkomplu jiddistingwixxu l-prodotti tagħhom;

restrizzjoni ġdida għall-kompetizzjoni f’settur fejn ma tantx hemm fatturi ta’ divrenzjar disponibbli;

il-ksur tad-drittijiet kummerċjali bażiċi inerenti fi kwalunkwe attività kummerċjali legali ir-rikonoxximent li s-saħħa pubblika u l-vantaġġi marbutin magħha għandhom valur fundamentali, li jieħdu prijorità fuq l-attività kummerċjali tat-tabakk ;

iż-żamma tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda fis-suq ta' prodotti ġodda li huma partikolarment ta' ħsara għas-saħħa tan-nies u, għaldaqstant, għat-tkabbir ekonomiku. , ul-eliminazzjoni tar-riċerka u ta’ titjib possibbli tal-kwalità tal-prodotti offruti. Ser jiġi limitat b’mod arbitrarju d-dħul ta’ prodotti ġodda ta’ ġenerazzjoni ġdida, mingħajr ma tingħata l-possibbiltà li jiġi stabbilit qafas regolatorju ċar li jservi sabiex jiġi analizzat it-tnaqqis tar-riskji li dawn il-prodotti jistgħu jkollhom fuq il-popolazzjoni, ħaġa li tista’ twaqqaf milli jinħolqu r-rikkezza u l-postijiet tax-xogħol assoċjati mal-innovazzjoni u r-riċerka relatati ma’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk, dawn il-prodotti ġodda b’riskju potenzjalment inqas m’għandhomx jiġu soġġetti għall-istess restrizzjonijiet li huma applikati għall-prodotti konvenzjonali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.3

Ibdel it-test kif ġej:

L-istess japplika għa Ir-restrizzjonijiet fuq ingredjenti sabiex jitneħħew togħmiet u aromi karatterizzanti (Artikolu 6) u l-preżentazzjoni viżwali tal-pakketti huma partikolarment importanti. Kriterju oġġettiv bħat-tnaqqis tal-attraenza tat-tabakk hu partikolarment rilevanti għal ċerti gruppi ta’ età jew għal sess partikolari. li mhumiex ibbażati fuq evidenza xjentifika bħalma jistgħu jkunu t-tnaqqis tat-tossiċità jew l-effett tad-dipendenza ta’ dawn l-ingredjenti, iżda fuq kriterju daqstant suġġettiv bħal dak li jnaqqas l-attrazzjoni tat-tabakk u fuq sterjotipi suġġettivi bħat-tip ta’ tabakk li huwa mpejjep minn kull grupp ta’ età jew sess. Dan l-istess approċċ suġġettiv jidher fil-projbizzjoni arbitrarja, mingħajr kwalunkwe ġustifikazzjoni, ta’ ċerti formats, bħas-sigaretti rqaq (li ma kinux inklużi fil-konsultazzjoni pubblika u ma jagħmlux parti mir-rapport dwar l-impatt), is-sigaretti qosra u l-kategorija kollha ta’ sigaretti bil-mentol, l-istabbiliment ta’ piż minimu għall-pakketti tat-tabakk għat-tgeżwir, u l-istandardizzazzjoni tal-format tal-bottijiet tat-tabakk jew, b’mod partikolari, l-invenzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ “sigaretti żgħar” bi ksur tad-Direttiva 2011/64/UE (28), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011. Din il-projbizzjoni ta’ sigaretti rqaq u ta’ sigaretti bil-mentol, li huma kkunsmati ħafna f’diversi pajjiżi Ewropej, ser twassal sabiex il-konsumaturi ma jkollhomx aċċess għalihom u jkollhom jirrikorru għas-suq tal-kontrabandu sabiex ikunu jistgħu jiksbuhom. Barra minn hekk, dawn huma prodotti tat-tabakk li prinċipalment huma kkunsmati minn adulti li jpejpu, u għalhekk f’dan il-każ konkret ma jistax jiġi applikat l-argument li dan huwa maħluq sabiex jipprevjeni lill-minorenni milli jkollhom aċċess għat-tabakk. Fil-każ konkret tal-mentol, pereżempju, ta’ min ifakkar li dan it-tip ta’ tabakk huwa kkunsmat fundamentalment minn persuni adulti u li, barra minn hekk, pajjiżi b’leġislazzjonijiet żviluppati tajjeb fil-ġlieda kontra t-tipjip b’dispożizzjonijiet konkreti ħafna fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ ċerti ingredjenti, bħall-Istati Uniti u l-Kanada, ma pprojbixxewhx, u dan iwassal lill-KESE sabiex jipproponi sabiex titneħħa l-projbizzjoni relatata mal-mentol mill-Proposta għal Direttiva.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.3.1

Ibdel it-test kif ġej:

Fl-aħħar nett, i Il-KESE jaqbel totalment mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu pprojbiti prodotti ġodda mis-suq b’togħmiet taċ-ċjuwing-gamm, piña colada, mojito, eċċ., jiġifieri sigaretti bit-togħma tal-ħelu, li jistgħu jkunu destinati fundamentalment għall-konsumaturi żgħażagħ.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.3.2

Ibdel it-test kif ġej:

Ir- R restrizzjoni eċċessiva tal- ingredjenti tista' twassal għal standardizzazzjoni tat-togħma, u, għalhekk, ser tkun impossibbli li l-kompetituri jiddivrenzjaw bejniethom waqt li l-investiment jiġi limitat u ser twassal ukoll għall-possibbiltà li jitniedu prodotti ġodda. Dan kollu ser ikun għad-detriment tal-konsumatur li ser titneħħielu l-possibbiltà tal-għażla u dan jirrappreżenta inċentiv addizzjonali biex il-konsumaturi attwali u potenzjali tal-prodotti tat-tabakk ifittxu l-informazzjoni fuq il-prodott li jikkonsmaw jew biex jevitaw li jużaw dawn il-prodotti, u b’hekk itejbu saħħithom, il-produttività tagħhom u l-fatturi l-oħra kollha li għandhom influwenza kbira fuq il-kwalità ta’ ħajjithom.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.5

Ħassar it-test kif ġej:

Barra minn hekk, fil-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea tinkludi miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kummerċ illeċitu tat-tabakk. Pereżempju, fl-Artikolu 14 tal-proposta l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi sistema ta’ provenjenza u traċċar kif ukoll miżuri differenti addizzjonali ta’ sikurezza, sabiex ikunu biss prodotti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea. Din il-miżura ser tinvolvi piż ekonomiku u amministrattiv sproporzjonat li ħafna intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ma jkunux jistgħu jġorru u dan, mhux talli ma jitnaqqasx il-kummerċ illeċitu, iżda jimponi piż amministrattiv akbar fuq l-Istati Membri meta jwettqu l-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, din is-sistema mhux ser tnaqqas il-kuntrabandu u l-kummerċ illeċitu li, għall-kuntrarju, ser jiġi mħeġġeġ mill-bqija tal-miżuri tal-proposta għal Direttiva. F’dan il-kuntest, i Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Proposta għal Direttiva jridu jkunu eżattament l-istess bħall-klawżoli dwar il-monitoraġġ u t-traċċabbiltà li huma inklużi fil-Protokoll għall-Kummerċ Illeċitu li ġie konkluż fl-aħħar tas-sena li għaddiet fil-Konferenza tal-Partijiet tad-WHO (29).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29

Punt 4.6

Ħassar kif ġej:

Fl-aħħar, id-Direttiva ser tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li tuża l-atti ddelegati sabiex taġġusta u timmodifika, permezz tat-tixrid tal-atti ddelegati, l-aspetti fundamentali bħal, pereżempju, il-livelli ta’ addittivi kif ukoll il-kliem, il-post u d-daqs tat-twissijiet tas-saħħa. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri ma jibqagħlhom kważi l-ebda poter fuq il-bidliet ta’ din id-Direttiva, u dan jinvolvi livell straordinarju ta’ intervenzjoniżmu li s’issa rarament intuża mill-Unjoni Ewropea u li jikser il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità bħalma diġà qegħdin jallegaw il-parlamenti nazzjonali ta’ tmien Stati Membri (30) (l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja). Fil-każ tal-Italja, il-parlament tiegħu mhux biss indika li l-proposta tikser dawn il-prinċipji, iżda enfasizza wkoll li xi wħud mit-tipi ta’ sigaretti li qegħdin jiġu pprojbiti, bħas-sigaretti rqaq u s-sigaretti b’livelli baxxi ta’ qatran jistgħu jkunu strument utli f’politika li għandha l-għan li l-persuni li jpejpu jnaqqsu jew jaqtgħu l-vizzju (31)

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

69

Kontra

:

157

Astensjonijiet

:

29


(1)  L-Artikolu 114 TFUE jaqra kif ġej:

"1.   Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern."

(2)  Ara l-Kawża C-491/01 The Queen vs Secretary of State for Health, ex parte British American Tobacco (Investments) Ltd u Imperial Tobacco Ltd.

(3)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 89-93.

(4)  Valutazzjoni tal-impatt (http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/com_2012_788_ia_en.pdf).

(5)  Stefan Callan, Smoke Free Partnership, Making Tobacco Tax Trendy Toolkit, 2012, p. 5.,

http://www.smokefreepartnership.eu/sites/sfp.tttp.eu/files/LV%20-%20Tax%20Toolkit_4.pdf.

(6)  Kummissjoni Ewropea, Attitudes of Europeans Towards Tobacco,

http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/eurobaro_attitudes_towards_tobacco_2012_en.pdf, p. 84.

(7)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 6-11.

(8)  http://www.ash.org.uk/APPGillicit2013.

(9)  Valutazzjoni tal-impatt, punt 15.

(10)  "Studju tar-responsabbiltà u l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa tat-tipjip" imwettaq mill-Kummissjoni Ewropea jistima l-ispejjeż totali għall-2009 għal EUR 544 biljun (f'termini ta' kura tas-saħħa, telf ta' produzzjoni u ħajjiet umani). (http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/tobacco_liability_final_en.pdf, p. 2).

(11)  Valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni.

(12)  Moodie C, Hastings G, Joossens L. Young adult smokers’ perceptions of illicit tobacco and the possible impact of plain packaging on illicit tobacco purchasing behaviour. Eur J Public health, ippubblikat onlajn l-ewwel darba fis-26 ta' Marzu 2011. DOI:10.1093/eurpub/ckr038. in Claims that Standardised Packaging Would Increase Illicit Trade are Untrue, Smoke Free Partnership, 10 ta' Settembru 2012, http://www.smokefreepartnership.eu/response-to-tobacco-retailers.

(13)  Ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(14)  Carin Hakansta, International Labour Organisation, Working Paper "Workplace smoking: A Review of National and Local Practical and Regulatory Measures", Marzu 2004, p. 6,

http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_protect/---protrav/---safework/documents/publication/wcms_108424.pdf.

(15)  ĠU C 115, 9.5.2008, p. 172.

(16)   Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati: http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/com_2012_788_ia_en.pdf, pp.116.

(17)  http://apps.who.int/gb/fctc/PDF/cop5/FCTC_COP5(1)-en.pdf.

(18)  Stefan Callan, Smoke Free Partnership, Tabakas nodokļi un nelikumīga tirdzneicība, Making Tobacco Tax Trendy Toolkit, 2012, p.5., http://www.smokefreepartnership.eu/sites/sfp.tttp.eu/files/LV%20-%20Tax%20Toolkit_4.pdf.

(19)  Kummissjoni Ewropea, Attitudes of Europeans Towards Tobacco,

http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/eurobaro_attitudes_towards_tobacco_2012_en.pdf, p. 84.

(20)   http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=SWD:2012:0453:FIN:MT:PDF

(21)  Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24/36 .

(22)  http://www.cancercampaigns.org.uk/ourcampaigns/theanswerisplain/moreinformation/.

(23)  The Packaging of Tobacco Products (L-ippakkettar tal-prodotti tat-tabakk), Marzu 2012, The Centre for Tobacco Control Research Core iffinanzjat mill-Cancer Research UK,

http://www.cancerresearchuk.org/prod_consump/groups/cr_common/@nre/@new/@pre/documents/generalcontent/cr_086687.pdf, p.40.

(24)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna.

(25)   ĠU C 115, 9.5.2008, p. 0172 – 0172.

(26)  http://ec.europa.eu/health/tobacco/docs/tobacco_liability_final_en.pdf

(27)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Ottubru 1990 fil-każ C-10/89.

(28)  Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal- 21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24/36.

(29)  http://apps.who.int/gb/fctc/PDF/cop5/FCTC_COP5(1)-en.pdf.

(30)  http://www.ipex.eu/IPEXL-WEB/dossier/dossier.do?code=COD&year=2012&number=0366&appLng=EN.

(31)  Opinjoni tal-Kumitat tas-Sezzjoni għall-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Taljan dwar id-Dokument tal-Kummissjoni Ewropea COM(2012) 788 final.


12.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 327/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Industrija Ewropea Aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku — Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali”

COM(2012) 582 final

2013/C 327/14

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar is-16 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku — Aġġornament dwar il-Komunikazzjoni tal-Politika Industrijali

(COM(2012) 582 final)

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2013.

Fl-491 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju (laqgħa tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni li ġejja bi 132 vot għal 1 bi 3. astensjoni(jiet).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-attenzjoni mmirata lejn l-industrija Ewropea – il-manifattura u s-servizzi – kif intwera fl-aġġornament tal-Kummissjoni dwar il-politika industrijali ta’ Ottubru 2012, inkluż fl-Annessi, b'analiżi artikolata dwar il-politiki u n-nuqqasijiet industrijali fl-Istati Membri. Ħafna elementi jaqblu ma' opinjonijiet mogħtija mill-KESE (1). Il-prova vera se tkun fl-implimentazzjoni.

1.2

Il-politika industrijali, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandha tkun il-bażi ta' Inizjattiva għat-Tkabbir tal-UE, li qed tissemma ħafna iżda ftit li xejn tittieħed azzjoni effettiva dwarha. Hemm bżonn ta' mentalità tajba u approċċi koerenti. L-impatt politiku jidher waħdu. Il-KESE jinkoraġixxi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jintensifikaw inizjattivi (koerenti) u politiki trasversali li jilħqu l-isfidi enormi tat-titjib tal-produzzjoni industrijali madwar l-Ewropa.

1.3

Il-Kunsill Ewropew għandu jmexxi l-aġenda dwar il-Politika Industrijali. Il-Kummissjoni għandha tkun involuta bis-sħiħ. Hemm bżonn punt fokali mmirat u kondiviż fil-Kunsilli differenti - Kompetittività, Riċerka, Ambjent, Soċjali, - fil-Kummissjoni u fil-PE biex jidentifikaw u jippromwovu politiki tal-ogħla livell madwar l-Ewropa.

1.4

Hemm bżonn ta' komunikazzjoni mifruxa tad-deċiżjonijiet dwar il-politika industrijali fir-rigward ta' azzjonijiet, pjanijiet u skadenzi sabiex dawn isiru strateġija mexxejja għall-Ewropa. Għad hemm nuqqas kbir ta' dan attwalment.

1.5

Barra minn hekk, l-UE għandha bżonn konverġenza Ewropea ottimali tal-politiki industrijali tal-UE u tas-27 Stat Membru, li skont firxa wiesgħa ta' analiżijiet, hi 'l bogħod mir-realtà attwali. Id-diversità hija ta' valur iżda l-frammentazzjoni hija ta' dannu. L-iżbilanċi ġeopolitiċi għandhom jiġu indirizzati.

1.6

Kundizzjonijiet qafas aħjar ifissru, qabel kollox, it-tkomplija tas-suq intern tal-UE fi ħdan ekonomija soċjali tas-suq, żgurata minn valutazzjonijiet, regolamenti u implimentazzjoni korretti madwar l-Unjoni. L-investiment pubbliku għal konnessjonijiet transkonfinali bħal toroq, kanali tal-ilma, portijiet, ajruporti u linji ferrovjarji, għandu jappoġġja s-Suq Intern.

1.7

Bil-qgħad jikber għal iktar minn 26 miljun ruħ, tkabbir żgħir u baġits dejjem jonqsu, l-industrija u l-innovazzjoni għandhom bżonn prospetti u kundizzjonijiet li jistimulawhom. Irid jinstab bilanċ tajjeb bejn il-konsolidazzjoni fiskali - il-miżuri ta' awsterità -, il-programmi nazzjonali ta' riforma u l-politika industrijali sabiex jiġu ġġenerati investimenti u jinħolqu l-impjiegi, u b'hekk tiżdied il-kunfidenza.

1.8

Kwalunkwe inizjattiva tal-UE għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinamiċi globali bħala kompettitriċi u msieħba. L-għan tant ambizzjuż ta’ 20 % ta' industrija fil-manifattura sal-2020 jitlob investiment estensiv u aġġustament sostanzjali tal-politika. Hemm bżonn kbir ta’ titjib fil-produttività.

1.9

Kundizzjonijiet intelliġenti għall-industrija jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet u l-aġġustamenti tekniċi. Dawn huma relatati mal-ambjent kollu tal-industrija, prinċipalment politika dwar il-klima u l-enerġija li tkun koerenti u prevedibbli għal perjodu twil ta' żmien, sabiex tappoġġja bażi industrijali kompetittiva. Il-kundizzjonijiet għandhom isaħħu l-prestazzjonijiet tajbin ħafna kif ukoll irawmu attivitajiet u industriji li għadhom jibdew.

1.10

Il-politiki tal-UE għandhom ikunu mfassla apposta u speċifiċi għas-setturi, u għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet minn isfel għal fuq li jindirizzaw bl-aħjar mod il-kapaċitajiet u l-isfidi tekniċi u ekonomiċi. Dawn il-prinċipji għandhom ikunu applikati wkoll fit-tilħiq tal-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija dwar l-effiċjenza tar-riżorsi li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fl-użu tal-materja prima waqt li, fl-istess ħin, il-prinċipji għandhom l-intenzjoni li jippromovu l-innovazzjoni u jrawmu r-reżiljenza tal-kumpaniji Ewropej.

1.11

Il-politika industrijali, għandha dimensjoni soċjali qawwija li taffettwa l-livelli kollha tas-soċjetà: ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, in-negozji kollha, il-forzi tax-xogħol fejn it-tendenzi tal-post tax-xogħol jinbidlu malajr – id-diġitizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni, il-manifattura marbuta mas-servizzi, l-ICT -, is-settur tal-edukazzjoni u l-universitatjiet, il-konsumaturi u ċ-ċittadini. Il-politika industrijali hija marbuta kemm mar-ristrutturar kif ukoll mal-antiċipazzjoni. Għandha tipprovdi edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni aġġornati, u trawwem it-teknoloġija, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija. Il-bidla demografika għandha tkun antiċipata u mwieġba b'mod xieraq.

1.12

Ir-reġjuni ambizzjużi qed jgħollu l-prestazzjoni industrijali. L-UE u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-prattiċi awtonomi tagħhom, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni u r-riċerka, il-kwalifiki u l-clusters. Għad hemm ħafna x'jista' jinkiseb.

1.13

Għandhom jiġu enfasizzati l-inizjattivi u l-proġetti kif ukoll eżempji nazzjonali u reġjonali li jistgħu jsaħħu l-kunfidenza tal-poplu u tal-atturi soċjo-ekonomiċi. Il-Ftehimiet ta’ sħubija UE-Stati Membru kif ukoll in-netwerking fost l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġu intensifikati. Is-Semestru Ewropew annwali jagħti ħafna opportunitajiet għal monitoraġġ kontinwu.

1.14

Il-politika industrijali tal-UE għandha tkun proċess kondiviżiv li tulu jsir skambju tal-viżjonijiet u l-kompetenzi tal-UE u dawk nazzjonali, kif ukoll azzjonijiet kondiviżi li fihom in-negozji u t-trejdunjins ikunu msieħba sħaħ. Partijiet interessati oħra bħall-edukazzjoni, l-universitajiet (ir-riċerka), l-NGOs, il-konsumaturi u oħrajn, kull fejn hu xieraq, għandhom ikunu impenjati bl-istess mod.

1.15

Minkejja differenzi sostanzjali f’termini ta’ produzzjoni ekonomika fost l-Istati Membri, kollha għandhom jibbenefikaw mill-aħjar prattiki kif ukoll mill-opinjonijiet u l-approċċi li jappoġġjawhom.

1.16

Il-KESE kontinwament jippreżenta proposti dwar is-setturi u dwar il-politika industrijali, ara l-Anness. Din l-Opinjoni hija pjuttost dwar il-koerenza ta’ temi importanti, u dwar governanza effettiva permezz tal-koordinazzjoni u l-perfezzjonament.

2.   Kuntest

– A/   Globali

2.1

Skont analiżi tal-Kummissjoni, is-sehem tal-ispejjeż tax-xogħol jidher li qed isir dejjem parti iżgħar mill-ispejjeż totali tal-produzzjoni (2). Il-produttività hija fattur importanti. Xi ftit produzzjoni qed tiġi lura lejn l-Ewropa iżda, l-kompetizzjoni qiegħda dejjem tikber f’oqsma oħra bħat-titjib tal-infrastruttura ekonomika fil-pajjiżi BRICS, l-apprezzament tal-euro u l-prezzijiet tal-enerġija, li jistimulaw l-investimenti barra l-Unjoni.

2.2

Barra minn dan, l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Ġappun fir-rendiment innovattiv u l-ispeċjalizzazzjoni teknoloġika. L-Ewropa hija rappreżentata aħjar mill-Istati Uniti fl-industriji b’teknoloġija medju-għolja jew medju-baxxa, iżda d-differenza tradizzjonali bejn iż-żewġ kontinenti fis-settur tat-teknoloġija għolja żdiedet sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin.

2.3

Il-White House u l-Kungress qed juru impenn qawwi għar-rinaxximent tal-manifattura bi strateġija nazzjonali għall-kompetittività għall-2014-2018 (3). Kwistjoni ċentrali hija r-rwol u l-valur tal-manifattura fl-ekonomija, is-sigurtà u t-tmexxija globali tal-Istati Uniti.

2.4

Is-sħubijiet pubbliċi-privati jirraffurzaw l-infrastruttura teknoloġika u innovattiva. Il-Ministeri tad-Difiża, l-Enerġija u l-Kummerċ huma involuti direttament, kif huma wkoll in-National Science Foundation u n-NASA, li b’hekk jagħtu impetu lil għadd kbir ta’ universitajiet u istituti ta’ riċerka nazzjonali.

2.5

Dan huwa żvilupp ta’ min jinnotah f’pajjiż li sa ftit żmien ilu kien qed jirrakkomanda l-ekonomija post-industrijali. Il-kompetittività dejjem tikber taċ-Ċina u pajjiżi oħra sservi ta' twissija. Il-perċezzjoni qiegħda tinbidel. Huwa mbassar li ċ-Ċina se tkun l-ikbar qawwa ekonomika fid-dinja sal-2030 waqt li l-Istati Uniti se jżommu t-tmexxija globali u l-Ġappun u l-Ewropa se jibqgħu fuq wara sew (4).

2.6

L-esplorazzjoni ġdida għaż-żejt, u fuq kollox, għall-gass tax-shale, mistennija li twassal għall-indipendenza enerġetika tal-Amerika. Din l-esplorazzjoni qed tkun ikkunsidrata bħala rivoluzzjoni enerġetika permezz ta' rinaxximent industrijali fl-Istati Uniti kif ukoll ċaqliq ġeopolitiku. Għad iridu jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali u tas-saħħa (5).

2.7

Iċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja qed ikomplu jagħmlu progress. Ir-Russja wkoll miexja 'l quddiem. Bis-saħħa ta' dawn qed javvanzaw malajr pajjiżi oħra fl-Asja u l-Amerika Latina. Għal numru ta’ snin, iċ-ċifri tat-tkabbir fl-ekonomiji emerġenti kienu ogħla mill-medja sew, speċjalment fl-Asja. Sistemi edukattivi li għadhom kif twaqqfu qed joħolqu għadd kbir ta’ tekniċi u inġiniera bi kwalifiki u edukazzjoni għolja. Fl-istess ħin, qed jitwaqqfu istituti ta’ riċerka enormi. Il-kwalità tal-prodotti u l-proċessi innovattivi kollha qed jitjiebu. Il-faċilitajiet tat-trasport u l-infrastruttura tas-servizzi qed ilaħħqu magħhom sew.

2.8

Fiċ-Ċina, qed tibda tidher sistema mħallta ta’ kapitaliżmu statali u mekkaniżmi ta’ suq ħieles (6). Din hija magħġuna sew mal-kultura nazzjonali u t-tradizzjonijiet (politiċi) eżistenti. Il-ħolqien tal-ġid ma jmurx id f’id mad-demokrazija u lanqas mad-drittjiet tal-ħaddiema u tal-bniedem. Il-kundizzjonijiet ambjentali u tas-saħħa għadhom mhux żviluppati sew, minkejja li l-kwalità tal-produzzjoni qiegħda tiżdied. Ir-reazzjonijiet negattivi huma dejjem possibbli. Iżda wieħed irid isemmi li l-intervenzjonijiet kapitalistiċi mill-Istat se jkomplu jmexxu ċerti tipi ta’ produzzjoni li tikkorispondi mal-ambizzjonijiet nazzjonali. L-investiment minn fondi tal-ġid sovran jistgħu jaħdmu fl-istess direzzjoni, kemm f'investimenti interni kif ukoll fl-investimenti barra l-pajjiżi.

2.9

Għadd ta' pajjiżi normalment jibbenefikaw minn struttura ta' governanza iktar sempliċi milli l-UE minħabba l-fatt li dawn għandhom ċentru wieħed fejn jieħdu d-deċiżjonijiet, strateġija komuni u għanijiet maqbula fis-settur pubbliku.

2.10

Partijiet mill-Afrika ukoll qegħdin fi proċess ta’ żvilupp rapid Iċ-Ċina tinvesti ħafna mingħajr ma tagħti każ l-impatt fuq is-soċjetà.

2.11

Il-kuntest globali u l-ġeopolitika qed jinbidlu b’mod kostanti. Id-data hija ta' importanza kbira biex l-opinjoni pubblika u politika ssir iktar sensittiva. Il-KESE jirrakkomanda tabella ta’ valutazzjoni regolari tal-UE għal għadd ta’ żviluppi soċjo-ekonomiċi, teknoloġiċi u tal-impjieg.

– B/   L-Ewropa

2.12

L-analiżi dettaljati tal-Kummissjoni dwar ix-xejriet Ewropej u għal kull pajjiż juru aktar għarfien dwar il-ħtieġa għal industrija tal-manifattura.

2.13

Hemm sitwazzjoniet differenti sew bejn pajjiż u ieħor, mill-Ġermanja li għandha kważi 30 % tal-industrija tal-manifattura tal-Ewropa, għal pajjiżi – kbar jew żgħar – b’perċentwali sostanzjalment inqas sa baxxi ħafna. F’xi Stati Membri l-investiment industrijali naqas b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar 20 sena. F’xi każi dan ġara minħabba ristrutturazzjoni fuq skala kbira, u f’oħrajn minħabba negliġenza wkoll (7).

2.14

Fost l-Istati Membri li qed itejbu l-kundizzjonijiet uħud minnhom qed jirnexxu aktar minn oħrajn. L-impjieg fl-industrija qiegħed dejjem jonqos. Barra minn dan, fil-kriżi attwali li bdiet fl-2008, intilfu iktar minn 4 miljun impjieg fil-manifattura.

2.15

M’hemm ebda indikazzjoni li l-politiki u l-istrumenti jew l-aħjar prattiki qed ikunu diskussi bejn l-Istati Membri. Il-kunċetti nazzjonali tal-politiki industrjali u innovattivi huwa xprunati prinċipalment minn tradizzjonijiet u proċeduri nazzjonali, u identifikati minn oqsfa nazzjonali u relazzjonijiet bejn is-settur pubbliku u privat, fost l-oħrajn, negozji, istituti ta’ riċerka u universitajiet u trejdunjins.

2.16

Għalhekk, ħafna politiki u l-arranġamenti finanzjarji marbuta magħhom huma prinċipalment orjentati lejn pajjiż wieħed, li ma jiffavorix is-suq intern jew il-proġetti trasversali transkonfinali.

2.17

Minkejja riżultati ta’ suċċess kbir f’xi pajjiżi, il-Kummissjoni tinnota li l-frammentazzjoni tas-suq intern ittellef il-fatturi ta’ tkabbir potenzjali.

2.18

Id-diversità kreattiva hija assi importanti fl-Ewropa, iżda tkun ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha biss jekk tiġi żgurata konverġenza lejn għanijiet komuni. Għandu jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn id-diversità kreattiva fost l-Istati Membri u l-konvergenza trasparenti u konvinċenti.

2.19

Din il-konverġenza se tagħti riżultati partikolarment lin-netwerks kontinentali ta' SMEs b'potenzjal għat-tkabbir, kif jidher mill-eżempju Amerikan.

3.   L-istrateġija Ewropa 2020: viżjoni, kompetenzi u azzjonijet kondiviżi

3.1

Is-suq intern għandu bżonn impetu ġdid. Għalkemm il-protezzjoniżmu moħbi qed jiżdied, u għad hemm id-dell tar-rinazzjonalizzazzjoni u l-frammentazzjoni, l-UE qed jirnexxiela żżomm is-suq intern sħiħ u l-prinċipji ta’ swieq miftuħa bla tibdil, għalkemm l-implimentazzjoni tibqa' dgħajfa.

3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020, li tipprevedi kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri, għandha twitti t-triq f’dan ir-rigward. Din l-istrateġija, li tirrispetta l-approċċi u l-metodi nazzjonali speċifiċi, tipprovdi strumenti effikaċi biex isir gwadann mill-vantaġġi ta’ azzjoni fuq skala Ewropea. Il-benefiċċji potenzjali ta' tali governanza mmirata baqgħu ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.

3.3

Hemm bżonn urġenti wkoll ta’ riżultati viżibbli biex il-proċessi innovattivi ta’ suċċess u l-ħolqien tal-impjiegi jimxu b'mod parallel max-xejriet dejjem jinbidlu tal-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi.

3.4

Hemm bżonn ta' azzjoni immirata biex tantiċipa r-ristrutturar. Din se twassal għal aċċettazzjoni tal-aġġustamenti, tiffavorixxi it-tagħlim ta’ ħiliet ġodda jew l-aġġornament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u tgħin biex tillimita l-impjiegi prekarji (8).

3.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2010 diġà wasslet għal inizjattivi,bħall-programm Orrizont 2020, l-ittestjar għall-kompetittività, l-innovazzjoni industrijali, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-ħiliet u l-edukazzjoni, l-aċċess għall-finanzjament, l-interazzjoni bejn l-industrija u s-servizzi u n-nuqqas ta' distinzjoni bejniethom, u ż-żieda fl-għarfien dwar il-kumplikazzjonijiet fl-investimenti internazzjonali u t-trasferiment tat-teknoloġija.

3.6

Huwa sorprendenti li sa ftit żmien ilu, ftit li xejn saret evalwazzjoni bejn il-pari fl-Istati Membri. Għall-Kummissjoni,għandu jiġi estiż ir-rwol ta' monitoraġġ.

3.7

L-evalwazzjonijiet bejn il-pari se juru fejn hemm strutturi obsoleti fl-industrija kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn jgħinu biex titħaffef il-modernizzazzjoni bl-użu ta’ approċċi ta’ suċċess, u jistgħu jkunu indikaturi għall-konverġenza Ewropea ottimali "minn isfel għal fuq" kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku.

3.8

Id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni fih rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż li huma marbuta mal-iżvilupp industrijali (9). Jeħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż jiġu indirizzati aħjar fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, kif diskussi mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew.

3.9

Madanakollu, ikun żball kbir li dan jitħalla f’idejn il-Kummissjoni biss. Huwa wkoll kompitu primarju tad-dipartimenti kompetenti fl-Istati Membri stess li huma responsabbli mill-politiki li mhux koperti mir-regolamenti jew miżuri tal-UE. Barra minn hekk, dawn id-dipartimenti għandhom jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni preċiża tar-regolamenti tal-UE.

3.10

Il-politiki finanzjarji fi ħdan iż-żona tal-euro jitolbu koordinazzjoni rfinata bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet nazzjonali. M’hemm ebda raġuni għaliex ma tistax tintlaħaq koordinazzjoni komparabbli fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet qafas għall-industrija, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.11

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni jista' wkoll jgħin lill-Istati Membri jwettqu reviżjonijiet bilaterali jew trilaterali bejniethom dwar oqsma marbuta mal-industrija, bħall-ħiliet u l-edukazzjoni, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, il-piżijiet amminstrattivi, il-politika dwar it-taxxa u l-għajnuna mill-Istat. Kull pajjiż faċilment jista’ jasal għal konklużjonijiet dwar politiki tajbin għalih f’perspettiva Ewropea komuni. L-ewalwazzjoni serja tal-miżuri applikati għandha xorta waħda tkun parti mill-programmi nazzjonali.

3.12

Billi dawn ix-xejriet għandhom ikunu appoġġjati mis-soċjetà kollha, importanti ħafna li l-assoċjazzjonijiet tan-negozji u t-trejdunjins jaġixxu bħala msieħba sħaħ fil-proċess. Dan jgħodd ukoll għal partijiet interessati oħra bħas-settur tal-edukazzjoni, l-NGOs, il-konsumaturi u oħrajn, fejn xieraq. Approċċi konsenswali jwasslu għal riżultati tajba. Id-djalogi soċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali kif ukoll fi ħdan is-settur u l-kumpaniji huma ta’ kontribut kbir.

4.   Temi li jridu jiġu indirizzati

4.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kumplimentarjetajiet bejn l-interventi nazzjonali u tal-UE fil-politika industrijali huma kundizzjoni fundamentali għas-suċċess tal-politika industrijali Ewropea. Dawn se jżidu l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE u nazzjonali, u joffru ħafna opportunitajiet biex ngħaddu mill-kliem għall-fatti.

4.1.1   Kunċett kumplessiv ifisser approċċ olistiku u politiki trasversali. Hawn taħt, il-KESE jenfasizza temi interkonnessi li jqis li huma kruċjali għall-futur tal-industrija Ewropea.

4.2   Innovazzjoni industrijali

4.2.1

L-innovazzjoni industrijali għandha bżonn bażi teknoloġika Ewropea b’saħħitha, sostnuta minn-koordinazzjoni u kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituti ta’ riċerka u l-universitajiet, it-teknoloġija applikata u n-negozji.

4.2.2

It-Teknoloġiji Abilitanti Prinċipali u tekn