ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.271.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 271

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
19 ta' Settembru 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-490 sessjoni plenarja tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013

2013/C 271/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Għal dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (Opinjoni esploratorja)

1

2013/C 271/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Wara 10 snin x’direzzjoni għall-euro? Il-futur ekonomiku u politiku tal-UE u t-trattat il-ġdid (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2013/C 271/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

18

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-490 sessjoni plenarja tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013

2013/C 271/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu EwropewCOM(2012) 777 final/2

23

2013/C 271/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondiCOM(2013) 44 final — 2013/0024 (COD) u dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmuCOM(2013) 45 final — 2013/0025 (COD)

31

2013/C 271/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarjiCOM(2013) 71 final — 2013/0045 (CNS)

36

2013/C 271/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAICOM(2013) 42 final — 2013/0023 (COD)

42

2013/C 271/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u KompetittivitàCOM(2013) 165 final u dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — Koordinazzjoni ex ante ta’ għal riformi maġġuri ta’ politika ekonomikaCOM(2013) 166 final

45

2013/C 271/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard onlineCOM(2012) 596 final

48

2013/C 271/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenzaCOM(2012) 742 final final u dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ fallimentCOM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)

55

2013/C 271/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv — Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattivCOM(2012) 702 final

61

2013/C 271/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni DoganaliCOM(2012) 791 final

66

2013/C 271/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva — qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbliCOM(2012) 740 final

70

2013/C 271/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 — Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-EwropaCOM(2012) 795 final

75

2013/C 271/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KECOM(2013) 78 final — 2013/0049 (COD)

81

2013/C 271/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tal-prodotti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE, u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 1999/5/KE, 2000/9/KE, 2000/14/KE, 2001/95/KE, 2004/108/KE, 2006/42/KE, 2006/95/KE, 2007/23/KE, 2008/57/KE, 2009/48/KE, 2009/105/KE, 2009/142/KE, 2011/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-KunsillCOM(2013) 75 final — 2013/0048 (COD)

86

2013/C 271/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni — inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020COM(2013) 83 final

91

2013/C 271/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex jirreġistra d-data tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni EwropeaCOM(2013) 95 final — 2013/0057 (COD) dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u tal-Programm ta’ Vjaġġaturi RreġistratiCOM(2013) 96 final — 2013/0060 (COD) u dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi RreġistratiCOM(2013) 97 final — 2013/0059 (COD)

97

2013/C 271/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal emenda għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 607 final/2 — Għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006COM(2013) 145 final — 2011/0268 (COD) u dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006COM(2013) 146 finali — 2011/0276 (COD)

101

2013/C 271/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-EwropaCOM(2012) 636 final

104

2013/C 271/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattiviCOM(2013) 17 final u dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattiviCOM(2013) 18 final — 2013/12 (COD)

111

2013/C 271/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi ta’ entitajiet tas-settur pubblikuCOM(2012) 721 final — 2012/0340 (COD)

116

2013/C 271/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Saħħa elettronika 2012-2020 — Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21COM(2012) 736 final

122

2013/C 271/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa — Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitaliCOM(2012) 784 final

127

2013/C 271/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-UnjoniCOM(2013) 48 final — 2013/0027 (COD)

133

2013/C 271/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serraCOM(2012) 643 final — 2012/0305 (COD)

138

2013/C 271/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffissar ta’ rata ta’ aġġustament għal pagamenti diretti stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tas-sena kalendarja 2013COM(2013) 159 final — 2013/0087 (COD)

143

2013/C 271/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbliCOM(2013) 92 final

144

2013/C 271/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħaCOM(2013) 168 final — 2012/0035 (COD)

151

2013/C 271/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 450/2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħuCOM(2013) 193 final — 2013/0104 (COD)

152

2013/C 271/31

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jieħu post ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010COM(2013) 153 final

153

2013/C 271/32

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd [li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata]COM(2013) 245 final — 2011/0380 (COD) u dwar Il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006COM(2013) 246 final — 2011/0276 (COD)

154

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-490 sessjoni plenarja tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Għal dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea” (Opinjoni esploratorja)

2013/C 271/01

Relatur: is-Sur JAHIER

Korelatur: is-Sur DASSIS

Nhar l-24 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Għal dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea

(Opinjoni esploratorja).

Is-sottokumitat dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) Ewropea, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar it-23 ta’ April 2013 b’maġġoranza, b’vot wieħed kontra.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’161 vot favur, 50 vot kontra u 47 astensjoni.

1.   Ġabra tal-proposti fil-qosor

1.1

L-Unjoni Ekonomika, Soċjali u Politika Ewropea għad trid tinkiseb. L-Unjoni Monetarja tnediet b’dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali li ma kinux żviluppati biżżejjed, iżda b’konsegwenzi konsiderevoli mil-lat ekonomiku u soċjali. Issa qed jittieħdu l-passi lejn unjoni finanzjarja, fiskali u bankarja, iżda mingħajr ma ngħataw il-mezzi baġitarji mill-UE għal politika li takkumpanja biex jiġi appoġġjat it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, il-progress lejn l-unjoni soċjali u politika għadu mblokkat. Madankollu, l-Unjoni Ekonomika, Monetarja u dik Soċjali kollha jiddependu minn xulxin; huma jsostnu u jamplifikaw lil xulxin. Flimkien, huma għandhom joffru Ewropa iktar tanġibbli, ibbażata fuq il-ħajja reali, li ċ-ċittadini jistgħu jirrelataw magħha, u li l-investituri, il-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi jista’ jkollhom fiduċja fiha u sens ta’ appartenenza għaliha. Hija għandha tkun Ewropa iktar dinamika biex jissaħħu l-kompetittività, it-tkabbir intelliġenti u inklużiv, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-impjieg u t-tgawdija effettiva tad-drittijiet soċjali kollha. Mingħajr bilanċ ta’ dan it-tip, mhu ser ikun hemm l-ebda futur għal Unjoni Politika.

1.2

Bejn l-2008 u Frar 2013, ir-rata tal-qgħad tal-UE-27 żdiedet minn 7 % għal 10,9 %, b’total ta’ 26,4 miljun persuna qiegħda, filwaqt li ż-żona tal-euro laħqet ir-rata għolja ta’ 12 %; din ir-rata għoliet fi 19-il pajjiż u waqgħet fi 8 pajjiżi; 5,7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa llum jinsabu qiegħda fl-UE-27 (23,5 %), filwaqt li fil-bidu tal-2013 ir-rata globali tal-qgħad fl-Istati Uniti kienet 7,7 % u fil-Ġappun 4,2 % (1). Dawn iċ-ċifri jmorru kompletament kontra l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-KESE għalhekk jemmen li hija kwistjoni tal-ogħla prijorità li nindirizzaw il-kompetittività tagħna, li ħadet it-triq tan-niżla, li niġġeneraw iktar tkabbir, li noħolqu impjiegi ġodda u nnaqqsu l-faqar. Huwa kruċjali li nistabbilixxu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsaħħaħ dwar l-impatt tal-politiki ekonomiċi u monetarji fuq is-suq tax-xogħol fl-Istati Membri. Huwa kruċjali wkoll li l-politiki soċjali u dawk tal-impjieg jiżdiedu mad-dispożizzjonijiet soġġetti għall-monitoraġġ tal-politiki ekonomiċi nazzjonali bħala parti mis-Semestru Ewropew. Il-KESE jemmen li approċċ simili mhuwiex biss urġenti fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri drammatiċi imma huwa anke konformi għalkollox mal-Artikolu 9 tat-TFUE dwar l-għanijiet tal-Unjoni għall-iżvilupp soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli. Id-dimensjoni soċjali tal-UEM teħtieġ strumenti u indikaturi ċari u għanijiet kwalitattivi u kwantitattivi li jkunu effettivi daqs l-obbligi ekonomiċi u finanzjarji tal-UEM. Qabel kollox, iridu jkunu l-mexxejja Ewropej li jqarrbu l-ideal Ewropew lejn iċ-ċittadini.

1.3

Għandu jitnieda Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali biex jakkumpanja l-passi lejn unjoni finanzjarja, bankarja u fiskali dejjem eqreb. Il-programm għandu jistabbilixxi miri konkreti ċari, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, li jkunu bbażati fuq dawk diġà stabbiliti għall-Ewropa 2020 u li jtejbuhom, biex b'mod speċjali jappoġġjaw l-isforzi għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa, inaqqsu u jeqirdu l-qgħad tal-massa, jiżguraw id-drittijiet soċjali fundamentali, jippromovu l-intraprenditorija u impjiegi ġodda, jiġġieldu kontra l-faqar, jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali, jiffaċilitaw l-investiment soċjali, jippromovu l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ, u jiżviluppaw governanza soċjali u sjieda parteċipattiva tal-proġett Ewropew. Il-Programm Ewropew il-ġdid għall-Azzjoni Soċjali għandu jiġi attivat permezz ta’ azzjonijiet mhux leġislattivi u leġislattivi, skont liema jaħdmu l-aħjar, mal-UE kollha jew permezz ta' kooperazzjoni msaħħa. Dan għandu jħaddan b'mod konġunt il-pakkett ta' stimolu Ewropew, il-Pakkett Ewropew għall-Investiment Soċjali, il-valutazzjonijiet Ewropej tal-Impatt soċjali, il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, il-Passaport Uniku Ewropew għall-Ħiliet, u jiżgura li jiġu rispettati l-Klawżola Soċjali Orizzontali, id-drittijiet soċjali fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika. Il-programm għandu wkoll jesplora u jippromovi d-dritt taċ-ċittadini Ewropej għal dħul minimu garantit.

1.4

Il-KESE jipproponi żewġ inizjattivi esploratorji ġodda: 1) il-ħruġ ta' Bonds Soċjali Ewropej għal proġetti ta' investiment soċjali li jkunu vijabbli finanzjarjament, permezz ta' Fond Ewropew għall-Azzjoni Soċjali, faċilitat mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE, imma b'finanzjament, sjieda, ġestjoni u monitoraġġ trasparenti mill-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili (mis-settur privat, korporattiv u pubbliku); u 2) it-twaqqif ta' Netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni għall-Ħaddiema Qiegħda, li joffri opportunitajiet edukattivi fit-tul, effiċjenti u kwalitattivi li jindirizzaw il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, bil-ħruġ ta' vawċers edukattivi transkonfinali u skemi tal-iskambju tal-kredits tal-korsijiet tat-tip ERASMUS biex jgħinu lill-ħaddiema qiegħda jaqbdu t-triq lejn orizzonti edukattivi ġodda, jiżviluppaw ħiliet konoxxittivi u professjonali ġodda u biex jiftħu karrieri ġodda u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol Ewropew. Fl-istess ħin Ewropa ta' moviment ħieles teħtieġ bażi iktar sigura u aġġornata għall-mobbiltà (pereżempju, drittijiet adatti dwar l-informazzjoni u l-assistenza għal dawk li jkunu qed jaħdmu fi Stati Membri oħra), sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ta' popli intra-Komunitarji li jkunu qed ifittxu x-xogħol fl-UE kollha, u tiġi żgurata sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni ġusta u r-rispett tad-drittijiet soċjali bażiċi u ftehimiet kollettivi.

2.   Il-governanza ekonomika teħtieġ dimensjoni soċjali

2.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien appella għal tisħiħ komprensiv lejn Unjoni Ekonomika, Soċjali u Politika.

2.2

Unjoni Ekonomika għandha tinkludi unjoni finanzjarja u bankarja, bi skema komuni għall-garanzija tad-depożiti, fond ta' riżoluzzjoni komuni u monitoraġġ pan-Ewropew; u unjoni fiskali għandha tkun ibbażata fuq strumenti tad-dejn konġunti, fi ħdan qafas ta' dixxiplina baġitarja, konsolidazzjoni fiskali u mudell ta' tkabbir Ewropew iktar dinamiku, li ċ-ċittadini jistgħu jifhmuh u li l-investituri, il-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi jista' jkollhom fiduċja fih. L-inċertezzi persistenti dwar l-integrità taż-żona tal-euro għandhom jingħelbu, għax huma ta' ħsara għall-fiduċja taċ-ċittadini u l-intrapriżi. Is-summit ta' Ġunju 2012, inkluż il-patt għal tkabbir u impjiegi u s-self ippjanat ta' EUR 180 biljun għal dan il-għan, flimkien mat-tħabbira tal-BĊE li kien ser isir dak kollu li jista' jsir biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek dgħajfa, id-dejn sovran u l-firxiet mhux sostenibbli, huma raġunijiet għal iktar fiduċja fil-qafas ekonomiku Ewropew li qed jiżviluppa. L-Ewropa teħtieġ programm ġdid ta' investiment (2) biex jiżdiedu r-riżorsi għall-appoġġ tal-industrijalizzazzjoni mill-ġdid, isir irkupru tat-tkabbir u jiġi indirizzat il-qgħad.

2.3

Imma din hija biss nofs l-istorja. Fl-istess ħin, il-konsegwenzi tal-miżuri ta' awsterità kellhom impatt devastanti fuq il-koeżjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali, suq tax-xogħol inklużiv u l-livelli tal-faqar. Bħalissa hemm 26 miljun persuna qiegħda u 120 miljun fil-faqar jew f'esklużjoni soċjali fl-UE. L-għanijiet tal-irkupru ekonomiku, l-istabbiltà monetarja, it-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività mhux ser jinkisbu mingħajr dimensjoni soċjali mġedda. Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-14 u l-15 ta' Marzu 2013 fl-aħħar irrikonoxxiet din ir-realtà u appellat lill-Istati Membri biex jinkludu politiki soċjali bħala xpruni tal-governanza ekonomika, l-iktar billi jibdlu l-enfasi tas-Semestru Ewropew biex jappoġġja l-impjieg, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-għanijiet soċjali (3). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħu nota ta' din l-enfasi ġdida fuq il-politika soċjali fil-livell nazzjonali, iżda jqis li hemm bżonn ukoll tmexxija pan-Ewropea f'termini ta' azzjoni soċjali, investiment soċjali u valutazzjoni soċjali komparattiva.

2.4

Għaldaqstant wasal iż-żmien li nibnu l-pilastru soċjali tal-UEM fi ħdan il-qafas ta' Ewropa soċjali, li mingħajru l-adeżjoni taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew kollu kemm hu ser tibqa' mhedda. Fil-fatt, il-firxiet attwali fl-iżbilanċi soċjali Ewropej mhux biss ifixklu s-soluzzjonijiet sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali, imma huma sfida fundamentali fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin fl-2014 bejn dawk li qed iħarsu lejn dimensjoni Ewropea għall-irkupru u dawk li jaqgħu fuq l-alternattivi nazzjonali. L-elezzjonijiet Ewropej ser iġagħlu mħuħ in-nies u l-voti tagħhom jikkonċentraw; huwa essenzjali li dawn l-elezzjonijiet iservu bħala xprun, u mhux bħala ostaklu, għal iktar Ewropa, Ewropa eqreb iċ-ċittadini, il-familji u l-kumpaniji tagħha, Ewropa iktar soċjali.

2.5

Id-drittijiet soċjali fundamentali huma ħaġa waħda mad-drittijiet ċivili u politiċi, u hemm obbligu fit-Trattati biex jiġu rispettati u promossi. Il-Kummissjoni u l-BĊE, bħala membri tat-Trojka, iridu jirrispettaw l-obbligi tad-drittijiet soċjali fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħhom. Fil-qafas tad-dimensjoni soċjali tal-UEM, il-Kummissjoni, b'mod effiċjenti, għandha timmonitorja, tivvaluta u tiżgura konformità sħiħa ma' dawn l-obbligi tad-drittijiet soċjali fundamentali.

3.   Lejn Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali u Patt ta' Investiment Soċjali

3.1

Fl-2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta opinjoni esploratorja, mitluba mill-Presidenza Franċiża tal-UE, li pproponiet il-bżonn li jitnieda Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali. L-Opinjoni għamlet referenza għall-ħidma pijuniera tal-Kumitat meta kien għen fit-tnedija tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema, il-Programm Ewropew tal-1989 għall-Azzjoni Soċjali u l-acquis soċjali li rriżulta dwar is-suq uniku, it-Trattat u l-attività tal-UE inġenerali. L-Opinjoni ressqet l-argument li kien hemm bżonn Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali “sabiex jinżamm il-pass mal-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq” B'xorti ħażina, minkejja l-appoġġ reġistrat fil-laqgħa ministerjali informali għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali matul il-Presidenza Franċiża tal-UE, il-proposta tal-Kumitat malajr intfiet minħabba l-kriżi ekonomika u ħames snin ta' paniku biex tiġi salvata l-UEM u titrawwem koeżjoni ekonomika iktar stretta fiż-żona tal-euro. Issa żgur wasal iż-żmien li nerġgħu nikkunsidraw l-idea ta' Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali, biex inkunu nistgħu nlaħħqu mat-tipi ġodda ta' governanza ekonomika u nappoġġjawhom b'koeżjoni soċjali u azzjoni tal-politika soċjali ekwivalenti.

3.2

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2008, il-Kumitat kien appella għal “governanza f'diversi livelli” ta' Programm Ewropew ġdid għall-Azzjoni Soċjali, ibbażata fuq azzjoni leġislattiva, djalogu soċjali, djalogu ċivili, koregolazzjoni u awtoregolazzjoni, koordinazzjoni miftuħa, integrazzjoni tal-politika soċjali, kooperazzjoni msaħħa u d-dritt taċ-ċittadini għal inizjattiva. L-Opinjoni ma stabbiliet l-ebda prijorità għall-azzjoni, ħlief fis-sens ta' dak li kien ħadem l-aħjar, biż-żamma tal- Metodu Komunitarju u b'rispett għall- klawżola soċjali orizzontali l-ġdida (Artikolu 9, TFUE). L-Opinjoni appellat ukoll għal impenn finanzjarju, pereżempju permezz ta' użu iktar iffokat u aċċessibbli tal-Fond Soċjali Ewropew, Fond Ewropew potenzjali għall-Innovazzjoni Soċjali biex jappoġġja inizjattivi soċjali ġodda ta' natura esperimentali, u l-idea ta' “faċilità ta’ self madwar l-Ewropa kollha għall-iżvilupp infrastrutturali soċjali”.

3.3

Sadattant, il-Kumitat żied l-appelli tiegħu għall-applikazzjoni tal-Metodu Komunitarju u biex tiġi rispettata n-natura vinkolanti tal-klawżola soċjali orizzontali. Huwa ppropona speċifikament it-tnedija ta' Patt Ewropew għall-Investiment Soċjali biex jiġi żgurat li l-miżuri tal-awsterità u s-sanzjonijiet semiawtomatiċi fil-qafas tal-governanza ekonomika u l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew jiġu kkumpensati b'valutazzjonijiet tal-impatt soċjali, ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali, impenn ġenwin biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020 tal-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp ġenerali tal-“governanza soċjali” Ewropea.

3.4

Il-Kumitat isibha inkoraġġanti li l-Parlament dan l-aħħar enfasizza l-bżonn ta' “patt soċjali għall-Ewropa”, għal “punti ta' referenza soċjali u tal-impjiegi” fis-“superviżjoni vinkolanti tad-dixxiplina baġitarja”, biex l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir iqis is-sostenibbiltà tal-mudell soċjali u għal qafas integrat għall-politika tal-impjieg u dik soċjali u bħala l-ħames pilastru fil-pjan direzzjonali tal-UEM  (4). Huwa jilqa' wkoll l-għan tal-Kunsill Ewropew li jippreżenta miżuri u pjan direzzjonali għad-“dimensjoni soċjali tal-UEM” fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju 2013 (5). Bl-istess mod, il-Kummissarju Andor dan l-aħħar enfasizza l-bżonn ta' “unjoni monetarja b'wiċċ uman” u li fil-fehma tiegħu “id-dimensjoni soċjali tal-UEM għandha tinfiehem bħala l-kapaċità tar-regoli, il-mekkaniżmi ta' governanza, il-kapaċità fiskali u strumenti ta' politika oħra tal-UEM biex jiżguraw li l-effiċjenza ekonomika u l-ekwità soċjali jiġu segwiti simultanjament  (6).” Il-Kumitat jinsab inkoraġġut ukoll mill-konklużjonijiet tal-President Van Rompuy fis-Summit Soċjali Tripartitiku tal-14 ta' Marzu li “l-mudell soċjali Ewropew għadu ass importanti u vantaġġ kompetittiv globali” u li “irridu nsibu mekkaniżmi li jgħinu jnaqqsu d-diverġenzi soċjali fl-Unjoni tagħna  (7).” Il-“Pakkett tal-Investiment Soċjali”, ippubblikat mill-Kummissjoni, li jistabbilixxi gwida għall-Istati Membri biex jappoġġjaw il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali (8), jimxi fid-direzzjoni li tiżviluppa indikaturi għad-dimensjoni soċjali. Madankollu, il-Kumitat iqis li tabella (“scoreboard”) tal-impjieg u l-iżbilanċi soċjali fl-UE teħtieġ ukoll qafas iktar impenjat għall-azzjoni pan-Ewropea. Il-Kumitat għalhekk itenni li hemm bżonn Programm Ewropew proattiv għall-Azzjoni Soċjali b'governanza f'diversi livelli, inklużi l-awtoritajiet, korpi u partijiet interessati kompetenti Ewropej konċernati kemm fl-azzjoni leġislattiva u mhux leġislattiva, u bil-għan li tal-inqas jintlaħqu u preferibbilment jittejbu l-miri soċjali stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

4.   Proposti speċifiċi

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jenfasizzaw l-importanza li nindirizzaw il-kompetittività dejjem iktar dgħajfa, li niġġeneraw iktar tkabbir, li noħolqu l-impjiegi u nnaqqsu l-faqar. B'konformità mal-Artikolu 9 tat-TFUE, jiġifieri “mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”, il-Kumitat jappella għal programm pan-Ewropew ta' azzjoni u impenn soċjali iktar vinkolanti u finanzjat b'mod adatt, inklużi l-għanijiet speċifiċi li ġejjin.

4.1

L-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew għandu jinkludi punti ta' riferiment għall-impjieg u l-inklużjoni soċjali fi ħdan l-istess qafas ta' sorveljanza bħal dak li jirregola l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u r-riformi strutturali. Il-miri kwantifikabbli Ewropej soċjali u għall-impjieg għandhom jitqabblu u jiġu integrati mar-regoli tal-istabbiltà u t-tkabbir li jirregolaw il-miri tad-dejn u d-defiċits. Il-mekkaniżmi ta' aġġustament konsegwenti għandhom jiġu applikati biex jitnaqqsu l-iżbilanċi kemm makroekonomiċi kif ukoll soċjali, bil-għan li nippromovu tkabbir intelliġenti u sostenibbli, impjiegi ta' kwalità, aċċess għal servizzi affordabbli ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali fl-UE kollha. L-effiċjenza ekonomika fil-perjodu l-qasir m'għandhiex tkun askapitu tal-investiment fil-kapital soċjali fit-tul. Il-miżuri tal-konsolidazzjoni fiskali għandhom jiġu evalwati skont l-effetti tagħhom fuq it-tkabbir, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Ir-riformi strutturali għandhom ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmi ta' solidarjetà fil-livell Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li unjoni ekonomika u monetarja ġenwina tkun appoġġjata miċ-ċittadini tal-UE, hemm bżonn li l-programmi nazzjonali ta' riforma jiġu akkumpanjati bi djalogi soċjali u ċivili adatti u fi ħdan dimensjoni soċjali Ewropea dinamika li ma tixprunax ġirja lejn l-iktar livell baxx li tirriżulta f'kompetizzjoni negattiva, deflazzjoni tal-pagi u domanda globali iktar baxxa. In-negozjar kollettiv ħieles u awtonomu irid ikun garantit. Id-djalogu soċjali Ewropew għandu jaqdi rwol essenzjali fl-iżvilupp u l-prattika tal-governanza ekonomika l-ġdida. Id-drittijiet soċjali fundamentali pan-Ewropej għandhom ikunu monitorjati u rispettati aħjar.

4.2

Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jridu jiżdiedu għal livell li jixraq dak li l-President Van Rompuy ddeskriva bħala “it-traġedja umana u l-emerġenza soċjali” (9) tal-impjieg Ewropew u s-sitwazzjoni soċjali. Dan ser jeħtieġ b'mod ċar “reviżjoni obbligatorja u komprensiva tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali” kif intalab mir-riżoluzzjoni tal-PE tat-13 ta' Marzu (10). Fil-qafas tal-mekkaniżmi ta' flessibbiltà msemmija fiha, in-negozjati għaddejjin bejn il-PE u l-Kunsill u r-reviżjoni strutturali ferm mixtieqa tal-QFP wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-ġdid, l-ammonti tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea tal-inqas iridu jiġu stabbiliti mill-ġdid, inkluż permezz ta' użu iktar adatt tar-riżorsi proprji tal-UE previsti, u b'żieda sinifikanti fir-riżorsi għall-fond tal-koeżjoni territorjali, il-fond soċjali, ir-riżorsi għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-fond ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni.

4.3

Fl-istess ħin, l-UE għandha tassisti aħjar lill-investiment soċjalment responsabbli u r-rwol ta' appoġġ tal-ekonomija soċjali, l-iktar permezz tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-istatuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-inklużjoni ċara fl-ippjanar tal-fondi strutturali ta' programmi għat-tnedija u l-iżvilupp ta' intrapriżi soċjali, l-iffaċilitar tat-tikkettar soċjali u miżuri ta' kumpens u faċilitajiet ta' akkwist pubbliku għall-intrapriżi b'valur soċjali konfermat. Għandu jinħoloq ukoll Fond Ewropew għall-Innovazzjoni Soċjali sabiex jerġgħu jinbdew proġetti pilota transnazzjonali ta' valur, immirati biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-iżvantaġġ fis-suq tax-xogħol, li ġew imfixkla meta l-Kummissjoni Ewropea abbandunat il-programm Equal.

4.4

Huwa kruċjali wkoll li jittieħdu l-azzjonijiet u l-miżuri kollha meħtieġa biex l-Ewropa tiġi industrijalizzata mill-ġdid u tikseb il-mira ta' 20 % tal-PDG fl-industrija sal-2020. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kompetittività għall-kumpaniji, li trid tinkiseb permezz ta' qafas Ewropew koerenti.

4.5

L-UE trid timmobilizza lilha nnifisha għaż-żgħażagħ jew ma tridx tirriskja li tbiegħedhom b'mod permanenti mill-proġett Ewropew kollu kemm hu. L-iskala drammatika tal-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa teħtieġ baġit tal-UE iktar kredibbli mis-somma mhux adegwata ta' EUR 6 biljun proposti għall-Pakkett u l-Garanzija Ewropej tal-impjieg taż-żgħażagħ biex jiġu żgurati l-impjieg, it-taħriġ jew l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ qiegħda, b'mod speċjali fejn huma l-iktar meħtieġa. Mingħajr biżżejjed fondi, hemm riskju li l-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ titqies bħala xi ħaġa falza. Għandha tiġi żviluppata tmexxija tal-UE iktar b'saħħitha permezz ta' passaport Ewropew uniku tal-ħiliet, billi jiġi estiż il-Qafas Eropew għall-Kwalifiki billi jingħaqdu flimkien il-kwalifiki u l-ħiliet kollha fl-edukazzjoni formali, informali u non-formali. Hemm bżonn ċar ta' qafas Ewropew ta' sħubijiet bejn l-iskejjel, l-intrapriżi u l-imsieħba soċjali, flimkien ma' sinerġiji strateġiċi simili li jpoġġu l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim tul il-ħajja fil-qalba tal-ħolqien tal-impjiegi, ir-riżoluzzjoni tad-differenza bejn id-domanda u l-offerta tal-ħiliet u l-promozzjoni tal-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Is-Semestru Ewropew irid jiżgura li l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u t-taħriġ ma jiġix mhedded b'miżuri għat-tnaqqis fid-dejn sovran u d-defiċits nazzjonali.

4.6

Impjiegi veri, xogħol diċenti u l-portabbiltà tad-drittijiet soċjali għandhom ikunu fil-qalba ta' programm Ewropew ta' rkupru sostenibbli Il-mudell soċjali Ewropew huwa ass biex jiġu attirati l-investimenti u għall-iżvilupp tan-negozji fl-Ewropa; dan il-mudell għandu jiġi apprezzat billi jitħeġġeġ l-appoġġ fiskali għal attivitajiet li joħolqu l-impjiegi, inklużi l-mikrointrapriżi u impjieg ġenwinament indipendenti. L-istandards soċjali garantiti għandhom jiġu rispettati f'politiki pan-Ewropej għall-impjieg u s-suq tax-xogħol. Il-kompetittività u l-flessibbiltà jridu jimxu id f'id ma' xogħol u pagi diċenti li ma jkunux stabbiliti taħt il-livell tal-faqar. Fil-programm ta' ħidma tagħhom l-imsieħba soċjali Ewropej għandhom responsabbiltà speċjali li jindirizzaw il-problema tal-ħaddiema li xorta waħda jgħixu fil-faqar.

4.7

L-UE trid tieħu impenn b'mod iktar serju u tanġibbli fit-tnaqqis u l-qerda tal-faqar. Il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali għall-Ewropa tat-tnaqqis attiv tal-faqar huma iktar kosteffettivi mill-ħsara ekonomika u soċjali dejjiema kkawżata min-nuqqas ta' azzjoni jew minn miżuri li jagħmlu l-faqar agħar. Tal-inqas, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, l-impenji “ewlenin” tal-Ewropa 2020 biex 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar għandhom jiġu segwiti b'mod attiv, u mhux jiġu mfixkla mill-miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit. L-ewwel nett, dan jeħtieġ sett ta' indikaturi pan-Ewropej aħjar biex jitkejjel l-impatt tal-faqar u biex jiġi żgurat monitoraġġ adatt u korrezzjoni potenzjali tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u miżuri ta' awsterità li fil-fatt jistgħu iħarrxu l-faqar u jfixklu l-irkupru. Il-KESE qed iwettaq ukoll valutazzjoni tal-iskemi ta' dħul minimu garantit fl-Istati Membri, bil-għan li jiġu identifikati u promossi prattiki tajbin madwar l-UE. Huwa appoġġa t-talba tal-PE biex tiġi studjata u prevista proposta leġislattiva għall-introduzzjoni ta' dħul minimu adegwat ta’ mill-inqas 60 % tad-dħul medjan f’kull Stat Membru (11). Jista' jitwaqqaf Fond Ewropew dedikat ta' Solidarjetà Kontra l-Faqar biex jiġu appoġġjati miżuri għall-għajnuna għad-dħul, bħala mekkaniżmu ta' aġġustament għall-istabbilizzazzjoni soċjali tas-Semestru Ewropew. Il-Kumitat itenni wkoll il-proposta tiegħu li 20 % tar-riżorsi kollha tal-FSE għandhom jiġu riżervati għall-indirizzar tal-inklużjoni soċjali u l-faqar.

4.8

Att Ewropew għall-Aċċessibbiltà huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkollhom drittijiethom għall-moviment ħieles u l-aċċess għall-prodotti, s-servizzi u l-ambjent mibni. Għaldaqstant, Karta Ewropea tal-Mobbiltà tkun strument konkret u effettiv. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa wkoll għodda tal-valutazzjoni ta' impatt għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà u tqisha fil-proċess tas-Semestru Ewropew.

4.9

Bl-istess mod, għandhom jitfasslu metodoloġija u qafas ta' indikaturi komparabbli u li jistgħu jitkejlu dwar il-ħarsien tas-saħħa u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa sabiex tiġi verifikata s-sitwazzjoni fl-Istati Membri bħala parti mis-Semestru Ewropew.

4.10

Il-punti ta' riferiment soċjetali pan-Ewropej u l-linji gwida tal-prattika tajba dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja, l-aċċess għas-servizzi tal-kura tat-tfal, it-tixjiħ attiv, il-volontarjat, id-dritt għal dar u l-ġlieda kontra l-problema ta' nies mingħajr dar għandhom jiġu integrati wkoll fi ħdan id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew.

4.11

Il-ħaddiema immigranti qed jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku u għall-benesseri tal-Ewropa. Il-proċeduri tal-UE għall-immigrazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu legali u trasparenti. Il-leġislazzjoni tal-immigrazzjoni għandha tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tiżgura l-ugwaljanza. Il-KESE jqis li l-UE għandha ssaħħaħ il-politiki ta’ integrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-immigranti u l-minoranzi.

4.12

L-irkupru sostenibbli jeħtieġ iktar simetrija ekonomika u monetarja u iktar koeżjoni soċjali madwar l-UE kollha kemm hi. Programm Ewropew ta' Azzjoni Soċjali li jinkludi l-għanijiet speċifiċi elenkati hawn fuq jgħin biex tiġi stabbilita bażi soċjali iktar koerenti favur l-għaqda u biex l-UE terġa' ssib rabta maċ-ċittadini tagħha. Għalhekk ikun aħjar li jinstab bilanċ soċjali mill-ġdid fuq żewġ linji, kemm tal-UE kif ukoll tal-UEM, li jirrispetta s-sussidjarjetà fis-sens dinamiku tagħha. Madankollu, jekk m'hemmx kunsens jew rieda politika biżżejjed għal dimensjoni soċjali tal-UE b'nifs ġdid, il-KESE jipproponi l-għażla tal-kooperazzjoni msaħħa fi ħdan l-UEM, b'riżorsi finanzjarji proprji, Fond Soċjali supplimentari, Patt dwar il-Progress Soċjali għall-Ewropa, abbażi tal-istess arranġamenti kuntrattwali b'responsabbiltà demokratika u rigorużi li jirregolaw il-konverġenza ekonomika u monetarja, u l-istandards soċjali, l-għanijiet u l-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni (għandu jkun hemm dibattitu mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar jekk u kif tista' tkun utli l-iskema ta' assigurazzjoni tal-qgħad jew tal-benefiċċji tal-qgħad tal-UEM li ġiet proposta dan l-aħħar mill-Kummissarju Andor) li jqabblu l-mekkaniżmi tal-istabbilizzazzjoni fiskali, baġitarji u monetarji ta' Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) iktar stretta b'dimensjoni soċjali korrispondenti.

4.13

L-obbligi kuntrattwali għall-kompetittività u t-tkabbir li ġew diskussi fis-summit tal-UE f'Diċembru jridu jkunu responsabbli demokratikament u m'għandhomx ifixklu l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea kif inhu stabbilit fl-Artikolu 3.3 tat-TUE. Hemm bżonn ukoll li jiġu definiti u stipulati l-mekkaniżmi ta' solidarjetà biex jiġu appoġġjati l-isforzi tal-pajjiżi, li gradwalment jistgħu jieħdu l-forma ta' trasferimenti finanzjarji ġenwini, b'baġit inizjali speċifiku ta' EUR 50-100 biljun, iffinanzjat minn mekkaniżmi simili għal dawk tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES).

4.14

Sabiex jinkisbu dan il-bilanċ u korrispondenza ikbar mal-ekonomija tas-suq soċjali stabbiliti fit-Trattat, ir-rwol imsaħħaħ tal-Kummissarju responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji fi ħdan il-Kulleġġ għandu jkun akkumpanjat minn tisħiħ fir-rwol tal-Kummissarju responsabbli għall-impjieg u l-affarijiet soċjali. Ir-rwol dejjem ikbar tal-Kunsill ECOFIN għandu jkun bilanċjat ukoll b'tisħiħ simili tal-Kunsill EPSCO.

4.15

Huwa urġenti wkoll, f'dan il-kuntest ta' governanza ekonomika u soċjali Ewropea, b'referenza partikolari għas-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020, li r-rwol kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali jissaħħaħ, u li l-involviment tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġi estiż u garantit fil-livelli kollha tan-negozjar politiku.

5.   Proposti esploratorji

5.1   Bonds Soċjali Ewropej

5.1.1

B'mod parallel mal-proposti msemmija hawn fuq, forsi għandu jingħata iktar ħsieb lil modi addizzjonali li jinvolvi liċ-ċittadini Ewropej, lis-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati korporattivi fit-tnedija mill-ħdid tal-azzjoni soċjali Ewropea, jiġifieri permezz tal-mobilizzazzjoni u l-ħruġ ta' Bonds Soċjali Ewropej. Dan jagħmilha possibbli, fi żmien ta' riżorsi pubbliċi skarsi, li jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali għal għanijiet definiti sew minn riżervi sinifikanti ta' tfaddil privat li mhux qed jintuża.

5.1.2

Din l-inizjattiva tkun separata mid-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-ħruġ ta' bonds tal-UE għall-istabbiltà (biex jgħinu fil-mutwalizzazzjoni tad-dejn) u l-bonds għall-irkupru u t-tkabbir (bħala parti mill-pakkett ta' stimolu ekonomiku tal-UE). Minflok, il-Bonds Soċjali Ewropej ma jitħallsux mit-teżori nazzjonali jew jiġu kofinanzjati mill-mekkaniżmi baġitarji tal-UE; dawn jiġu akkwistati u jinvestu fihom ċittadini individwali, intrapriżi, trejdjunjins u gruppi tas-soċjetà ċivili lesti li jeżerċitaw responsabbiltà soċjali individwali u korporattiva billi jieħdu sehem f'Fond Ewropew ta' Azzjoni Soċjali, finanzjat u mmaniġġjat minnhom infushom, b'rati ta' interess raġonevoli u mingħajr skop ta' qligħ, b'superviżjoni u regolazzjoni trasparenti, u faċilitati u sottoskritti għall-ammont adatt mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE.

5.1.3

Il-ħruġ tal-bonds għandu jiġi faċilitat loġistikament mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE, organizzati b'mod popolari u ġestiti b'mod reċiproku mill-partijiet interessati privati, korporattivi u pubbliċi li jagħżlu li jieħdu sehem fl-iskema u jieħdu responsabbiltà għall-Fond Ewropew ta' Azzjoni Soċjali. Huma jixtru, iġemmgħu u jinvestu l-bonds fi programmi soċjali tal-għażla tagħhom, preferibbilment fil-qafas tal-Programm Ewropew propost għall-Azzjoni Soċjali, bl-għajnuna teknika ta' korpi istituzzjonali u ta' konsulenza tal-UE, sabiex jiġu verifikati l-vijabbiltà finanzjarja u l-impatt soċjali potenzjali tagħhom. Tali investimenti soċjali jistgħu jinkludu: djar soċjali, impriżi kooperattivi u intrapriżi soċjali; appoġġ għall-gruppi li jgħinu lilhom infushom, l-assoċjazzjonijiet mutwi, is-servizzi komunitarji soċjali u tas-saħħa, in-netwerks edukattivi, tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, l-innovazzjoni soċjali, ir-riċerka u l-iżvilupp; is-self u s-sħubijiet għall-iżvilupp infrastrutturali, l-agrituriżmu, l-iskambji tal-ivvjaġġar, l-attivitajiet kulturali; azzjonijiet tal-karità, eċċ.

5.1.4

Jistgħu jiġu eżaminati pjani sussegwenti, iktar strutturati, għall-iżvilupp ta' dawn il-bonds soċjali Ewropej, bħall-iżvilupp ta' sensiela ta' tali bonds, promossi u ġestiti fil-livell lokali u/jew nazzjonali mill-atturi msemmija hawn fuq. Dawn il-bonds, li jikkonformaw mal-kriterji tal-iskema ġenerali Ewropea, kemm f'termini ta' għanijiet kif ukoll ta' metodi ta' ġestjoni, jiksbu ċ-ċertifikazzjoni Ewropea adatta għall-parteċipazzjoni fl-iskema ġenerali u, abbażi ta' dan, potenzjalment anke ħelsien mit-taxxa għal min jieħu sehem.

5.1.5

Il-Bord ta' Tmexxija tal-Fond Ewropew għall-Azzjoni Soċjali għandu jkun magħmul mill-partijiet interessati involuti fl-iskema, rappreżentati b'mod proporzjonali, skont il-livell tal-investimenti tagħhom fil-Bonds Soċjali Ewropej, u bl-assistenza loġistika u konsultattiva mill-korpi adatti tal-UE (inkluż il-KESE).

5.2   In-Netwerk Ewropew tal-Edukazzjoni għall-Ħaddiema Qiegħda

5.2.1

Il-qgħad tal-massa fl-Ewropa mhux ser jiġu riżolt fil-perjodu l-qasir jew medju, anke jekk il-previżjonijiet tat-tkabbir jittejbu sal-2014 u l-istimoli pan-Ewropej jibdew iħallu effett. Is-suq tax-xogħol Ewropew irid isir iktar rilevanti bħala mezz biex il-forza tax-xogħol tagħna tista' tiċċirkola b'mod ħieles, twassal il-ħiliet fejn ikunu meħtieġa u titgħallem ħiliet li jinġabu lura u jiġu żviluppati. Huwa kruċjali li l-forza tax-xogħol tagħna tibqa' attiva, preferibbilment fl-impjieg jew possibbilment impjieg part-time, jew, jekk le, fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun effiċjenti, tħares 'il quddiem, tkun innovattiva u rilevanti għall-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol. Ħafna skemi edukattivi u tat-taħriġ għandhom tendenza jkunu fuq perjodu qasir, sikwit mingħajr opportunitajiet ta' impjieg sostenibbli meta jintemmu. Ħaddiema mdaħħla fl-età li qed isiru qiegħda għandhom inqas ċans jieħdu sehem f'tali skemi. Għandu jiġi esplorat approċċ iktar fit-tul b'perspettiva Ewropea, inkluż abbażi ta' wħud mill-aħjar prattiki Ewropej provati, bħall-programm tal-edukazzjoni għall-kbar li twettaq fl-Isvezja mill-1997 sal-2002 jew is-sistema ta' taħriġ f'żewġ livelli fil-Ġermanja u l-Awstrija. L-UE forsi tista' tiffaċilita t-twaqqif ta' Netwerk Ewropew għall-Edukazzjoni tal-Ħaddiema Qiegħda bil-għan li toffri opportunità edukattiva komprensiva ta' sentejn biex jibdlu l-karriera, jieħdu sehem f'xogħol, taħriġ jew f'esperjenzi ta' skambju edukattivi fi Stati Membri oħra permezz tal-ħruġ ta' vawċers edukattivi transkonfinali bi trasferimenti ta' kredits tal-korsijiet, u biex jiksbu kwalifika professjonali rikonoxxuta b'mod reċiproku fl-aħħar.

5.2.2

Din is-sistema, jekk tiġi provduta b'riżorsi adegwati u tiġi adottata b'mod mifrux mill-Istati Membri, fil-kuntest ta' arranġamenti kuntrattwali preċiżi mal-ħaddiema li jidħlu f'tali programmi fuq bażi volontarja, tista' tagħmilha possibbli li jinżamm għadd sostanzjali ta' persuni qiegħda f'impjiegi ta' kwalità għolja li żgur ma kinux isibu opportunitajiet ta' impjieg, u dan ikollu effetti pożittivi kemm għall-persuni kkonċernati kif ukoll għall-kapital soċjali ġenerali tal-pajjiżi tal-Ewropa.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Data mill-Eurostat, http://ec.europa.eu/eurostat/euroindicators

(2)  Tip ta' Marshall Plan ġdid: ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi”, ĠU C 143, 22.5.2012, punti 2.8 u 2.13 - Ara l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Il-finanzjament fuq terminu twil tal-ekonomija Ewropea”, COM(2013) 150 final/2, 9.4.2013

(3)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013, EUCO 23/13.

(4)  Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew u l-grupp tal-euro Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina (2012/2151 (INI)), p. 29, u l-opinjoni li takkumpanjah tal-Kumitat tal-PE għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali, suġġeriment J u rakkomandazzjoni 6.

(5)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-ikkompletar tal-UEM, adottati fl-14 ta' Diċembru 2012, punt 12b).

(6)  Diskors ta' László Andor, Kummissarju Ewropew responabbli għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, lill-ETUC, (28.1.2013, Madrid).

(7)  “L-enfasi tal-laqgħa tal-lum, id-dimensjoni soċjali tal-mudell soċjali Ewropew għadha ass importanti u vantaġġ kompetittiv globali” - kummenti mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy wara s-Summit Soċjali Tripartitiku, Brussell, 14.3.2013, EUCO 68/13.

(8)  Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropw 2014-2020

(9)  “B'riżultat ta' dan, għadd ta' nies dejjem ikbar qegħdin sempliċiment iħallu s-suq tax-xogħol, u jabbandunaw kwalunkwe taħriġ, bir-riskju tal-marġinalizzazzjoni (din iċ-ċifra tista' tilħaq it-13 % għaż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena). Din hija traġedja umana u emerġenza soċjali.” Diskors ta' Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, il-KESE, Brussell, 17.1.2013, EUCO13/13.

(10)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2013 fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2012/2803 (RSP)), punt 9.

(11)  Il-KESE jappella għal pjan ta’ direzzjoni dettaljat għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' inklużjoni attiva fil-livell lokali. Huwa jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex jiġi studjat l-impatt ta’ proposta leġislattiva biex jiddaħħal livell minimu adegwat għad-dħul ta’ mill-inqas 60 % tad-dħul medjan f’kull Stat Membru (ĠU C 248/130, 25.8.2011).


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Wara 10 snin x’direzzjoni għall-euro? Il-futur ekonomiku u politiku tal-UE u t-trattat il-ġdid” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 271/02

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Wara 10 snin, x’direzzjoni għall-euro? Il-futur ekonomiku u politiku tal-UE u t-trattat il-ġdid

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, 27 vot kontra u 22 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għall-futur tal-euro

1.1

Il-KESE jqis li t-twelid tal-euro u l-UEM (Unjoni Ekonomika u Monetarja) kien l-aktar stadju importanti fil-mixja tal-Ewropa. Kien parti minn pjan strateġiku tal-Unjoni li kien jifforma parti mill-viżjoni li kienet ispirat il-KEFA u t-Trattat ta’ Ruma. Kien pass kbir u kuraġġuż, imħatra għall-futur, li kienet ġabet magħha ħafna tama, tant li kulħadd kien konvint li s-saħħa tal-munita unika kienet ser tegħleb ir-reżistenza li kien għad hemm u li kienet qed iżżomm lura t-tkomplija ta’ UEM u unjoni politika sħiħa, kif kien ser ikun meħtieġ. Madankollu l-euro tibqa’ l-bażi għal dan kollu.

1.2

Iżda, wara għoxrin sena twal, irridu naqblu li dan ma kienx il-każ, forsi għaliex l-euro ma għaddiex minn skossi qawwija la minn ġewwa u lanqas minn barra matul dan il-perjodu, jew forsi minħabba fin-nuqqas ta’ fiduċja li tippersisti fl-Ewropa bejn il-pajjiżi kredituri u l-pajjiżi debituri, li jfisser nuqqas ta’ koeżjoni u ta’ fiduċja f’min jiggvernana. B’hekk kulħadd ipprefera li jistrieħ fuq il-baħar kalm u fuq il-ġid li kien hemm. Kollox kien jidher li kien sejjer tajjeb, iżda l-kalma kienet biss fid-dehra. Fil-fatt, il-wasla tal-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali, li laqtet lill-UE, daqqet l-allarm u ħarget ċar il-limiti u l-kontradizzjonijiet li kien hemm fl-istruttura tal-UEM, u b’hekk l-euro tilef il-potenzjal tiegħu li jkun attraenti. Fil-bidu, konna naħsbu li biex is-sistema taħdem kull ma kien hemm bżonn kienu diversi “regoli ta’ kontabilità”, bħall-Patt ta’ Stabbiltà, filwaqt li l-verità kienet li l-problema ma kinitx teknika iżda ekonomika u politika.

1.3

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà. Iżda, l-istabbiltà tikkonċerna mhux biss il-prezzijiet jew l-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji iżda wkoll il-politika u l-kundizzjonijiet soċjali. Iċ-ċittadini għandhom raġun ikollhom l-impressjoni li huma qed iħallsu l-ogħla prezz tad-dejn minflok il-banek li kellhom rwol deċiżiv fil-kriżi, u dan mhuwiex ġust. Il-KESE jinsab konvint li s-sostenibbiltà politika tal-awsterità ma tistax iddum ħafna. Għall-kuntrarju f’xi pajjiżi diġà nqabżu l-limiti.

1.4

Għaldaqstant, il-KESE jaħseb li munita unika tkun sostenibbli biss jekk ikun hemm konverġenza tal-kapaċitajiet ekonomiċi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u jekk titjieb il-kompetittività kollha kemm hi: dawn l-objettivi jeħtieġu impenn ekonomiku kif ukoll politiku. Ftit manutenzjoni temporanja mhijiex biżżejjed. Trid issir qabża kwalitattiva, biex ngħaqqdu flimkien mhux biss il-munita u l-ekonomija, iżda wkoll il-politika, is-sovranità, in-nies u l-kapaċità għal djalogu bejn il-popli Ewropej. Għandna bżonn ta’ iktar integrazzjoni politika u inqas konroll mill-gvernijiet u ekonomija soċjali tas-suq għat-tixrid tat-tkabbir u l-impjiegi u biex l-euro jidher mill-ġdid bħala vantaġġ u mhux il-kuntrarju.

1.5

Jidher ċar li fl-Opinjoni tagħna l-proposti tal-KESE huma proattivi filwaqt li r-reazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill għall-kriżi kienu u għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom reattivi. Infakkru, pereżempju, li t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza jenfasizza l-istabbiltà mingħajr ma jipproponi strumenti finanzjarji konġunti għall-irkupru u l-impjiegi, għalkemm il-ftehim dwar mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) huwa pass importanti ’l quddiem minkejja n-nuqqas ta’ pjan direzzjonali kredibbli u konkret għall-unjoni politika. Jeħtieġ li l-Ewropa terġa’ tibda tipproduċi l-ġid biex tkun tista’ tqassmu b’mod ġust. Dan huwa l-aħjar mod biex jonqsu l-protesti. Ma nistgħux nimponu biss l-awsterità.

1.6

Il-KESE jitlob kif għamel kemm-il darba li jsir eżerċizzju biex nifhmu x’inhu għaddej fir-realtà fir-rigward tal-euro u l-Ewropa biex insalvawhom, kif ukoll fir-rigward tal-limiti politiċi u ekonomiċi tagħhom, il-profitti u t-telf u dwar min hu responsabbli għas-sitwazzjoni attwali. Hemm bżonn li jittieħdu azzjonijiet malajr. M’hemmx ħin għar-retorika, għall-inganni u għall-ħrejjef. Huwa l-uniku mod kif tiġi evitata d-diżintegrazzjoni tal-Ewropa, li ilha xi żmien sejra lura. Għal dan il-għan ikun aħjar li jiġi evitat li nakkużaw b’popoliżmu lil dawk li qed jipprotestaw minħabba fis-sagrifiċċji imposti fuqhom. L-Ewropa trid titgħallem tisma’ mingħajr arroganza. Ma tistax tibqa’ truxa.

Proposti biex tiġi kkompletata l-UEM: il-ħoloq li jonqsu

Il-ħolqa ekonomika

1.7

Il-KESE jaħseb li l-aħjar mod kif tiġi kkompletata l-UEM, tiġi evitata reċessjoni, jitnaqqas id-dejn nazzjonali u jiġu stabilizzati l-baġits huwa li jinbidel il-prinċipju li bħalissa fuqu hija msejsa l-kultura ekonomika tal-UE (stabbiltà għal tkabbir), u b’hekk jiġi promoss patt ġdid għall-promozzjoni (mutwalizzazzjoni) tat-tkabbir, l-impjiegi u l-istabbiltà, anke permezz tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali (tkabbir għall-istabbiltà). Il-KESE jinsab konvint li:

i)

l-irkupru ma jistax jitmexxa biss permezz ta’ miżuri marbutin mal-politika monetarja (pereżempju provvista kbira ta’ flus kontanti għas-sistema bankarja u rati ta’ interess baxxi) u tal-politika fiskali (bħalissa limitata minħabba l-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni fiskali f’ħafna pajjiżi), iżda jrid jiġi promoss ukoll permezz ta’ żieda fl-investimenti fis-setturi tal-enerġija alternativa, tal-ambjent u tal-investiment soċjali, biex b’hekk tinħoloq domanda għal prodotti u servizzi ta’ investiment mis-settur privat, li tikkonsidra wkoll l-eżiġenzi tal-familji;

ii)

permezz ta’ din l-istrateġija ikun possibbli li jitnaqqsu l-livelli għoljin ħafna ta’ qgħad u jiġi ġġenerat id-dħul fiskali meħtieġ għat-tnaqqis tad-dejn pubbliku u d-defiċit nazzjonali;

iii)

dawn l-investimenti m’għandhomx jiġu ffinanzjati biss permezz tal-formola “iktar taxxi – iżjed infiq pubbliku”, iżda wkoll permezz ta’ bonds li jattiraw it-tfaddil globali eċċessiv nieqes minn opportunitajiet tainvestiment, u b’hekk jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-UE u dak globali: dan it-tkabbir jista’ jiġi xprunat immedjatament mid-dħul mill-finanzjament ta’ proġetti minflok minn trasferimenti fiskali bejn l-Istati Membri;

iv)

għandha tkun prijorità li tissaħħaħ il-fattibilità finanzjarja tal-kumpaniji, u b’mod speċjali tal-SMEs, li ħafna minnhom bħalissa huma mhedda bix-xoljiment għaliex m’għandhomx kreditu bankarju suffiċjenti biex jiżguraw li jistgħu jixtru komponenti u materjal, anke minħabba l-fatt li l-banek ċentrali jesiġu wisq garanziji għall-banek li jsellfu lill-SMEs;

v)

għandhom jittieħdu passi immedjati biex jiġi promoss l-investiment pubbliku li jiffaċilita t-tkabbir, filwaqt li dan l-investiment jitħalla barra mill-karta tal-bilanċ permezz tal-użu ta’ “regoli tad-deheb”, jiġifieri sistema ta’ regoli komuni li jqisu wkoll id-dejn privat tal-pajjiżi, sakemm jiġu implimentati l-eurobonds (1).

1.8

għandhom jiġu implimentati politiki simmetriċi sabiex l-euro jkun sostenibbli u jitnaqqsu d-differenzi bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti, permezz ta’ pjan imsejjes fuq is-solidarjetà li jittrasferixxi riżorsi ta’ investiment lejn pajjiżi b’ekonomiji iżjed dgħajfa, permezz ta’ proġetti mmirati, bl-użu ta’ spostamenti fiskali, jekk inkun hemm bżonn, u bl-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-politika soċjali. Dan ifisser azzjonijiet li jittieħdu permezz ta’ aġġustamenti simmetriċi: fondi komuni biex jiġu salvati banek li qed ifallu, assigurazzjoni Ewropea fuq id-dipożiti, Union bonds, eurobonds, politiki komuni għat-tnaqqis tad-defiċit estern tal-UE, eċċ.(il-ħolqien ta’ fond komuni ta’ kumpens u ta’ aġġustament);

1.9

għandu jitwaqqaf korp governattiv ekonomiku tal-UE, li jissupera l-metodu attwali ta’ koordinazzjoni tal-politiki li ma tax riżultati tajbin, u jittrasforma l-Grupp tal-euro f’entità li tiddeċiedi skont il-maġġoranza u jsir l-interlokutur f’isem l-euro; m’għadux sostenibbli li jkollna l-Unjoni Monetarja u l-Unjoni Bankarja filwaqt li l-politiki ekonomiċi jinżammu separati. Għall-kuntrarju, governanza komuni (bħalma ġara fil-każ tal-patt fiskali) fil-livell makro u mikro (tnedija tal-Patt Industrijali) tista’ tagħti żvolta lill-politika ekonomika u fiskali li tippromovi t-tkabbir, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali;

1.10

għandna noqorbu lejn baġit komuni għaż-żona tal-euro, li ovvjament ikollu regoli komuni u jintegra l-politika tal-kummerċ u l-bilanċ tal-pagamenti, li llum għandhom differenzi sostanzjali. Il-konsolidazzjoni fiskali trid tiġi kkompletata billi tittieħed azzjoni fir-rigward tal-istruttura tal-multiplikaturi, sabiex jiġu lliberati riżorsi favur it-tkabbir u l-impjiegi, u permezz ta’ riformi li kapaċi jżidu l-produttività tal-pajjiżi iktar dgħajfa (2)

1.10.1

Madankollu dak li hemm bżonn hu li jonqsu jew jillaxxkaw il-miżuri attwali ta’ awsterità, għall-pajjiżi bl-akbar djun, u l-promozzjoni tal-espansjoni tad-domanda fil-pajjiżi kredituri. Hemm bżonn ta’ azzjoni kuntestwalizzata fuq id-dejn u r-riformi strutturali min-naħa tal-Istati Membri, u fuq it-tkabbir permezz ta’ pjan solidali u konkret min-naħa tal-UE biex jiżdiedu l-okkupazzjoni u l-ġustizzja soċjali. Ma nistgħux inżidu l-awsterità mar-reċessjoni, kif qed tagħmel l-UE; barra minn hekk, iż-żieda tat-tnaqqis tad-dejn man-nuqqas ta’ kreditu għandha effetti katastrofiċi fuq l-ekonomija.

Il-ħolqa monetarja u finanzjarja

1.11

Għaldaqstant hemm bżonn ta’ sistema li kapaċi tassorbi mill-ġdid l-iżbalji u l-punti dgħajfin tal-pajjiżi individwali, u li takkumpanja il-proċess ta’ riforma u tnaqqas id-differenza ekonomika u l-iżbilanċi bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro, anke permezz tal-politika monetarja.

1.12

L-istess BĊE sofra minħabba fil-limiti tal-UEM. B’konformità mat-Trattat kellu japplika politika monetarja unika, kważi federali, anke jekk l-ekonomiji tal-pajjiżi kienu u għadhom differenti, bi żbilanċi kbar bejniethom. Għaldaqstant, kif intqal dawn kienu jeħtieġu, u għadhom jeħtieġu, miżuri korrettivi min-naħa tal-UE. Dan jevita esponiment żejjed u jippermetti lill-BĊE jieħu azzjonijiet aktar effettivi u iktar bilanċjati mmirati lejn l-istabbiltà tal-prezzijiet, sabiex inaqqas id-distorsjonijiet u l-iżbilanċi li jeżistu, u li jistgħu joħolqu dubji dwar l-istess eżistenza tal-munita unika, kif rajna fil-fażi l-iżjed reċenti tal-kriżi tad-dejn sovran li ġiet evitata biss minn intervent determinat tal-Gvernatur tal-BĊE. Dan huwa neċessarju biex tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika, li qed taqa’ lura meta mqabbla ma’ dik monetarja, tal-inqas sakemm jingħelbu l-problemi tan-nuqqas attwali ta’ mandat għall-BĊE u d-defiċit politiku tal-UE.

1.12.1

Il-BĊE llum għandu rwol espost wisq. Biex ikun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu aħjar u jaħdem taħt l-istess kundizzjonijiet, għandu jkollu l-istess funzjonijiet u l-istess mandat bħar-Riżerva Federali, inkluż dak ta’ mutwanti tal-aħħar istanza, biex tonqos id-differenza fuq ir-rati tal-interessi. Għalhekk għandu jkun mandat komplut li jippermetti lill-BĊE li jaġixxi biex jistimola t-tkabbir meta jkun hemm bżonn.

1.12.2

F’dan il-perjodu hemm dibattitu kbir dwar dan is-suġġett bejn il-banek ċentrali: liema strateġiji għandhom jiġu adottati biex jiġi rilanċjat it-tkabbir. Din tittratta l-kwistjoni antika tar-relazzjoni bejn l-awsterità u t-tkabbir, jiġifieri l-inflazzjoni u t-tkabbir u t-tkabbir u l-okkupazzjoni. Biżżejjed li wieħed jaħseb li r-Riżerva Federali, biex tirrispetta l-mandat tagħha li tnaqqas ir-rata tal-qgħad għal 6 % toħroġ USD 85 biljun kull xahar fis-suq (il-Bank tal-Ingilterra qed jikkonsidra politika simili). Din hijasitwazzjoni li ddgħajjef il-BĊE, li ma għandux gvern u baġit meta mqabbel ma banek ċentrali oħra. Din il-kundizzjoni tirrigwarda wkoll il-kontroll tar-relazzjoni bejn il-muniti. Il-BĊE għandu jkun responsabbli wkoll għall-politika tar-rata tal-kambju, li skont it-Trattat hija fil-kontroll tal-Kunsill biss, biex jilħaq ftehimiet formali dwar sistema tar-rata tal-kambju għall-euro f’relazzjoni mal-muniti ta’ pajjiżi terzi.

1.12.3

Id-dejn: dan huwa element ieħor importanti tal-UEM. F’dan ir-rigward, il-KESE diġà ressaq proposta preċiża biex jitneħħa 60 % tad-dejn tal-pajjiżi mis-suq biex b’hekk jiġu evitati l-effetti tal-ispekulazzjoni tas-suq fuq iż-żona tal-euro (3). Huwa ċar li b’UEM kompluta u baġit komuni taż-żona tal-euro jkunu jistgħu jiġu previsti wkoll forom ta’ ħruġ ta’ bonds komuni, (naturalment dan irid iseħħ fil-qafas ta’ baġit komuni taż-żona tal-euro).

1.13

F’dak li jirrigwarda s-sistema finanzjarja u bankarja b’mod globali, il-KESE jqis li hemm bżonn li l-aspetti kollha tad-dispożizzjonijiet imnedija mill-UE (4) jiġu implimentati fl-inqas żmien possibbli u malajr. Dawn huma fost l-aktar strumenti effikaċi u importanti biex tiġi kkompletata l-UEM, l-istabbiltà tagħha u s-suq intern.

Il-ħolqa politika u istituzzjonali

1.14

Il-KESE jqis li l-futur tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha jrid joħroġ mill-iskemi li jirreferu għall-“mudell ideoloġiku”, anke jekk dak “federali” jidhrilna l-aħjar wieħed, u jikkunsidra l-aspetti funzjonali u ta’ sustanza, biex tkun tista’ ssalva l-idea stess tal-Ewropa. Trid tkun Ewropa li terġa’ tpoġġi n-nies u s-solidarjetà fiċ-ċentru tal-għan ewlieni tagħha, li madwaru ddur l-ekonomija u mhux bil-maqlub. Wasal iż-żmien li nibdew naħdmu għal unjoni politika, soċjali u ekonomika. Iżda l-isforz tal-Kunsill, minkejja li għandu jiġi apprezzat, mhuwiex sforz determinat u adegwat, u jidhrilna li jista’ jkun ferm akbar. L-egoiżmu jrid jispiċċa flimkien mal-“utopjaniżmu tal-interessi” li jidher li ħakem l-Ewropa, biex tieħu posthom is-solidarjetà. Il-politiki ta’ awsterità jridu jitwaqqfu jew jittaffew sabiex titnaqqas is-sofferenza, u x-xogħol u t-tkabbir jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba tal-inizjattivi tagħha.

1.15

Għaldaqstant irridu noqorbu lejn unjoni politika u soċjali biex tiġi kkompletata l-UEM fid-dawl tal-proposti li qed isiru hawn fuq. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet irid isir iżjed demokratiku (votazzjoni b’maġġoranza) u trasparenti, biex b’hekk tinkiseb integrazzjoni pożittiva, inqas żbilanċata, u s-sovranità tiġi ġestita b’mod konġunt u b’hekk jitnaqqsu d-differenzi fil-proċess ta’ integrazzjoni. Dan jagħti vuċi waħda lill-UE fil-korpi internazzjonali wkoll.

1.16

Trattat ġdid: il-KESE jqis li l-parti l-kbira tal-proposti ta’ natura ekonomika imsemmija fl-Opinjoni jistgħu jissolvew bla ma jinbidel it-Trattat. Fejn hemm bżonn, wieħed jista’ jaġixxi permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi li jaqblu mal-proposti (kif ġara fil-każ tal-patt fiskali), biex b’hekk ir-ritmu jkun aktar mgħaġġel u jiġi evitat ir-riskju tad-diżintegrazzjoni potenzjali tal-UE minħabba attakki ġodda minn barra u ż-żamma tal-politiki tal-awsterità. Alternattiva oħra, għal integrazzjoni aktar fil-fond tista’ tkun dik li l-Parlament Ewropew li jmiss jingħata mandat kostitwenti. Din il-proposta tista’ tkun soġġetta għal referendum popolari, fl-istess waqt, fil-pajjiżi kollha kkonċernati.

Il-ħolqa internazzjonali:

1.17

L-avvenimenti fl-Ewropa qed ikollhom konsegwenzi anke fil-livell internazzjonali u viċi versa. Għaldaqstant hemm il-bżonn ta’ entitajiet internazzjonali iktar effiċjenti u b’kapaċità ikbar li jieħdu deċiżjonijiet sabiex jassiguraw governanza globali iktar b’saħħitha. L-UE, f’dan il-qasam, għandu jkollha rappreżentazzjoni unika, almenu taż-żona tal-euro. B’mod partikolari l-G20 għandu jkun jista’ jaħtar “Kumitat Ekonomiku u Soċjali” għall-iżvilupp dinji, biex jieħu azzjoni permezz ta’ stimolu fiskali.

1.18

Iżda huwa biss qafas politiku differenti, aktar koerenti u demokratiku, li jista’ joffri lill-UE governanza esterna aktar effikaċi, flimkien ma’ governanza interna aħjar, billi jkollha vuċi waħda fil-livell internazzjonali. B’mod partikolari, dan jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-muniti, biex tiġi evitata l-ħsara għall-ekonomija tal-UE, u r-relazzjoni bejn l-ekonomiji fuq livell dinji, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.19

Fil-qosor dawn huma l-erba proposti biex jiġi kkompletat il-qafas għall-euro.

i)

Gvern ekonomiku tal-UE (għat-tkabbir, l-okkupazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali); baġit komuni taż-żona tal-euro u tnaqqis fl-asimmetriji ekonomiċi bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro.

ii)

Gvern monetarju u finanzjarju: tisħiħ tal-mandat tal-BĊE; il-kompletar tas-suq intern għall-finanzi u l-banek.

iii)

Unjoni politika u soċjali.

iv)

Tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-UE u l-governanza dinija.

2.   Introduzzjoni

2.1

Bħalissa l-UE għaddejja minn żmien partikolarment diffiċli u perikoluż li qed jhedded li jġib miegħu konsegwenzi negattivi lijmorru ferm lil hinn minn dawk ekonomiċi u soċjali li diġà qed niffaċċjaw. Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tindirizza sensiela ta’ kwistjonijiet, fosthom il-bżonn li jiġu rispettati l-impenji tat-Trattat favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-promozzjoni ta’ politika ekonomika u monetarja ġdida għat-tkabbir u l-impjieg, politiki tal-innovazzjoni iżjed proattivi, Fond ta’ Kapital ta’ Riskju Ewropew għall-SMEs, u fl-aħħar nett ħidma favur il-futur tal-UE (5).

2.2

Qed nittrattaw interessi ekonomiċi ewlenin, anke fl-UE, li minflok ma jikkonverġu, qed jidħlu f’kunflitt kontra xulxin. L-euro ma għandu l-ebda responsabbiltà għal dak li qed jiġri (6). L-euro huwa munita li għal żmien twil tħalliet tieħu ħsieb lilha nnifisha u għadha qed tistenna li l-“kontendenti” (il-gvernijiet) jiddeċiedu x’se jagħmlu.

2.3

Il-KESE huwa fid-dmir li jwieġeb għal dawn l-isfidi b’lingwaġġ dirett u ċar, u b’sens tal-ġejjieni, billi jaf x’inhuma r-riskji u l-livell ta’ konfrontazzjoni, mingħajr ma jaħbi l-fatti. F’din l-Opinjoni l-KESE jixtieq jikkontribwixxi b’mod attiv, u mingħajr riżervi, sabiex tiġi kkompletata l-UEM u tingħeleb il-kriżi, fl-interessi tal-ħaddiema, in-negozji u ċ-ċittadini fl-UE, b’mod speċjali ż-żona tal-euro, li l-aktar li qed issoffri mill-kriżi attwali.

3.   It-Trattat ta’ Maastricht: politika monetarja u koeżjoni

3.1   Unjoni monetarja

3.1.1

L-adozzjoni ta’ munita unika kienet tkun l-aħjar għal pajjiżi li qed jiffaċċjaw skossi simmetriċi jew li għandhom mekkaniżmu biex jassorbu skossi asimmetriċi. Studji empiriċi wrew li l-probabbiltà ta’ skossi asimmetriċi hija ogħla fl-Ewropa milli fl-Istati Uniti. Il-politika tal-BĊE dwar munita unika, li l-għan primarju tagħha huwa l-istabbiltà tal-prezzijiet fl-unjoni monetarja, naturalment, ma tistax tirreaġixxi għal skossi asimmetriċi f’pajjiżi individwali taż-żona tal-euro. Għalhekk, jeħtieġ mekkaniżmu ieħor li jkun effettiv biżżejjed biex jindirizza dawn l-iskossi. Il-politika tal-BĊE dwar munita unika se tkun anqas u anqas adatta għall-membri taż-żona tal-euro aktar ma jonqsu l-mobbiltà tal-fatturi ta’ manifattura, it-trasparenza tal-ekonomiji, is-sinkronizzazzjoni taċ-ċikli ekonomiċi, id-diversifikazzjoni fil-produzzjoni, l-integrazzjoni finanzjarja u l-estent tal-kummerċ reċiproku, u aktar ma jiżdiedu ir-riġidità tas-suq tax-xogħol u d-differenzi fl-inflazzjoni bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi membri. Inqas ma jaħdmu b’mod effettiv il-miżuri ta’ adattament biex inaqqsu l-effetti tal-iskossi asimmetriċi (flessibiltà fil-prezzijiet u fis-salarji, mobbiltà tal-forza tax-xogħol u kapital bejn pajjiżi membri, u federaliżmu fiskali), il-pajjiż ikampa agħar bit-telf tal-politika monetarja tiegħu.

3.1.2

L-UEM aktarx tirrappreżenta l-pilastru prinċipali tat-Trattat ta’ Maastricht, iżda mhijiex l-uniku. L-ispirazzjoni warajha, barra minn dik ekonomika, wara li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin, kienet fil-biċċa l-kbira tagħha politika. Ħafna pajjiżi baqgħu spettaturi sorpriżi u indifferenti fil-konfront tax-xenarju l-ġdid kif ukoll tal-inklużjoni kważi istantanja tal-Ġermanja tal-Lvant u l-ugwaljanza taż-żewġ “marki” (1 = 1), iggarantita mid-Deutsche Bundesbank L-għażla kienet li tiġi posposta d-deċiżjoni li tiġi kkompletata l-UEM, u b’hekk tqajmu aspettattivi komuni, iżda fl-aħħar mill-aħħar sfaw fix-xejn, li unjoni monetarja ġġib magħha unjoni politika u li l-euro tagħti l-imbottatura għal Ewropa federali; iżda mhux hekk ġara.

3.1.3

L-unjoni, minbarra li tat lill-euro kopertura u leħen wieħed, kellha tipprovdi kull ma kien nieqes mill-euro. Madankollu, il-fehma kienet li ftit “regoli”, bħall-Patt ta’ Stabbiltà, b’parametri arbitrarji, ikunu biżżejjed biex taħdem, u l-awtoreferenzjalità tqieset infallibbli, iżda ma ħadmitx kif kien mistenni. Anke l-mandat tal-BĊE jimxi f’direzzjoni waħda biss, u hu iżjed limitat minn dak ta’ banek ċentrali oħra. Dawn il-kontradizzjonijiet ħarġu fid-dieher għalkollox minħabba l-kriżi finanzjarja, li l-UE damet ħafna biex tagħrafha, imbagħad minħabba d-dejn sovran, li ċaħħad lill-euro dik l-awra u l-idea li kellha poteri mirakolużi, kif kienet ġiet irrappreżentata meta ġiet stabbilita. B’hekk dan naqas il-propensità tagħha li tkun attraenti, sal-punt li issa titqies bħala theddida, jew bħala ġustifikazzjoni insidjuża tal-politiki ta’ awsterità.

3.2   Din il-politika qed tipperikola l-koeżjoni ekonomika u soċjali, pilastru ieħor tal-Att Uniku, tat-Trattat ta’ Maastricht li jsemmi livell għoli ta’ impjieg u ta’ għajxien bħala objettiv tal-UE. Dan l-objettiv, infatti, sparixxa mill-aġenda Ewropea minħabba l-kriżi attwali. Għalkemm reġa’ ddaħħal, bil-kliem, tħalla mingħajr strumenti ta’ implimentazzjoni, u għalhekk m’għandu l-ebda impatt prattiku fuq l-ekonomija reali u fuq l-impjieg.

4.   L-ewwel għaxar snin tal-euro

4.1   Il-vantaġġi

4.1.1

Sal-2008 l-UEM ħadmet pjuttost tajjeb minn perspettiva monetarja għall-Istati Membri taż-żona tal-euro: issemplifikat il-kummerċ, eliminat ir-riskji li jinqalgħu minħabba r-rati tal-kambju u l-iżvalutazzjonijiet kompetittivi, żgurat l-istabbiltà tal-prezzijiet (inflazzjoni annwali fuq medja ta’ 2,03 % ħlief għal skossi eċċessivi f’xi pajjiżi fil-mument tal-bidla mis-sistema l-qadima għal dik ġdida), wasslet għat-tnaqqis u l-konverġenza tar-rati tad-dejn (sal-2009!), iġġenerat it-tkabbir u l-impjieg (14,5 miljun impjieg ġdid) (7), żammet il-kontijiet kurrenti kollha bbilanċjati, u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG inqas minn tal-Ġappun u tal-Istati Uniti, u żammet taħt kontroll ir-rata tal-kambju mad-dollaru Amerikan (madwar 30 % ogħla), minħabba l-ekonomiji iżjed dgħajfa.

4.1.2

Din hi s-sitwazzjoni ġenerali. Jekk tħares lejn pajjiż pajjiż, is-sitwazzjoni hija differenti. Il-vantaġġi ewlenin ibbenefikaw minnhom l-iżjed il-pajjiżi li l-ekonomiji tagħhom kienu l-bażi tal-parametri oriġinali tal-euro, u b’hekk it-tkabbir u l-produttività tagħhom żdiedu u l-esportazzjoni żdiedet b’mod drammatiku (madwar USD 2 000 biljun bejn l-2000 u l-preżent fil-Ġermanja biss) u l-bilanċ tal-pagamenti korrispondenti (8), filwaqt li pajjiżi oħra bbenefikaw biss parzjalment u/jew soffrew żvantaġġi reali, l-iżjed minħabba l-asimmetrija tas-sistema assoċjata mal-munita unika, sal-punt li l-pajjiżi b’defiċit huma obbligati li jagħmlu korrezzjonijiet, waqt li dawk li rreġistraw eċċessi ma kellhomx. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-reazzjonijiet differenti tal-pajjiżi għas-sitwazzjoni li ħolqot l-euro.

4.2   L-ispejjeż

4.2.1

L-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk marbuta mad-differenzi fil-kompetittività tal-pajjiżi, it-telf tas-sovranità tagħhom fil-politika makroekonomika, ir-rata tal-kambju, u l-iżvalutazzjonijiet kompetittivi, eċċ.

4.2.2

Bil-kriżi, fin-nuqqas ta’ UEM adegwata u kompleta, ġew spejjeż oħra, bħat-trasferiment tal-obbligazzjonijiet tal-banek lejn il-baġits nazzjonali, iż-żieda fid-dejn, b’aktar diffikultajiet għall-pajjiżi li diġà għandhom dejn ikbar. Dan il-fatt qasam l-UE fi tnejn: minn naħa pajjiżi kredituri, min-naħa l-oħra dawk debituri, u, barra minn hekk, li iżjed u iżjed qed isiru jixbhu lil pajjiżi tat-tielet dinja. Fil-fatt, il-pajjiżi kredituri qed joħolqu iżjed faqar fin-Nofsinhar, u anke nħawi oħra, u iktar ġid fit-Tramuntana. Biżżejjed wieħed jaħseb fl-eċċessi akkumulati fil-Ġermanja, mhux permezz ta’ kontabilità interna fiż-żona tal-euro (f’dan il-każ il-baġit tal-UE kien ikun ibbilanċjat!) iżda permezz tal-eċċess tiegħu fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, li tant huwa sostanzjali li fuq medda twila ta’ żmien jista’ jesponi ’l-Ġermanja stess għal riskju finanzjarju li jista’ jagħmel ħsara lill-ekonomija tagħha.

4.3   Punti kritiċi

4.3.1

Il-politika monetarja hija affettwata minn diversi problemi u dgħufijiet strutturali fil-governanza tal-munita: il-limitazzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li xi pajjiżi pprovaw ineħħu meta ħoloq problemi għalihom (il-Ġermanja, Franza u l-Italja); in-nuqqas ta’ monitoraġġ tal-indikaturi ta’ produttività; in-nuqqas ta’ strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet; l-ispejjeż taż-żamma tal-euro; riskju sistemiku; żbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi; iż-żamma tas-sovranità fiskali u baġitarja tal-Istati nazzjonali.

4.3.2

Madankollu ma tneħħewx ir-riskju tar-rati tal-kambju u l-iżvalutazzjonijiet kompetittivi bejn l-Istati Membri ġewwa u barra mill-euro, partikolarment ir-Renju Unit, u jista’ jkun hemm deprezzament qawwi fir-rata tal-kambju euro-sterlina fi ftit żmien u b’hekk issir ħsara lill-kundizzjonijiet ugwali li esuppost jeżistu fis-Suq Uniku.

4.3.3

Mil-lat ekonomiku, l-ikbar problema hija dik tal-iżbilanċi ekonomiċi li jmorru lura għal qabel is-sena 2000. Din hija sitwazzjoni li ppenalizzat il-pajjiżi l-iktar dgħajfa, u ħolqot “xokkijiet asimmetriċi”, li ġew iġġenerati wkoll minħabba flussi enormi ta’ kapital lejn il-Ġermanja. Bħalissa l-BĊE m’għandux l-għodod biex jindirizza dawn ix-xokkijiet asimmetriċi. Problema oħra hija l-kuntest internazzjonali u dan ħareġ fid-dieher biss wara l-kriżi finanzjarja (9).

4.3.4

Iżda l-ikbar żball kien li nemmnu li jista’ jkollok munita unika mingħajr ma tillimita s-sovranità tal-Istati Membri, u mhux biss il-baġit iżda l-ġestjoni separata tad-dejn b’mod partikolari, sistema bankarja u finanzjarja li tibqa’ nazzjonali, flimkien mas-sistema superviżorja.

4.3.5

Fl-aħħar nett, l-ikbar żball politiku kien li nħoloq l-euro mingħajr “dar” komuni u leħen wieħed, minkejja l-isforzi sporadiċi tal-BĊE biex jimla dan il-vojt. B’hekk il-BĊE nbidel mill-awtonomija mħaddna fit-Trattat għal rwol ta’ sostituzzjoni politika, sabiex jiġi evitat li ssir ħsara lill-munita unika u lill-UE (10), bl-istess mod kif it-tkabbir wera r-rwol tal-iżjed pajjiż b’saħħtu.

4.3.6

Minkejja dan, il-KESE jaħseb li l-euro jista’ jkun sostenibbli biss permezz tal-konverġenza tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, sabiex jitħeġġu tkabbir iżjed uniformi u unjoni politika li jippermettu li dawn id-differenzi jkunu iżjed aċċettabbli għaliex il-problema mhijiex ta’ kontabilità, iżda waħda politika, inkluża l-kwistjoni tad-demokrazija u b’hekk ta’ peżar aktar ġust tal-voti fid-diversi korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nibqgħu iktar nintrabtu mal-illużjoni u l-iżball li ninsistu biss fuq l-ekonomija u l-kontabilità.

5.   Il-kuntest internazzjonali

5.1

L-avvenimenti fl-Ewropa għandhom konsegwenzi internazzjonali u viċi versa; hemm rabtiet b’saħħithom bejn l-ekonomiji, id-dejn, il-finanzi, il-kummerċ, ir-relazzjonijiet bejn il-muniti, eċċ. B’mod partikolari, qed naħsbu fir-rabtiet dejjem iżjed stretti bejn l-ekonomiji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; tal-inqas dik kienet is-sitwazzjoni sal-2009. Iżda llum il-ġurnata, l-ekonomija tal-Istati Uniti qed tirkupra filwaqt li dik Ewropea qiegħda f’reċessjoni, parzjalment minħabba li hemm żewġ skejjel ekonomiċi u minħabba d-differenzi bejn ir-rwol tar-Riżerva Federali u r-rwol tal-BĊE.

5.2

Fir-rigward tal-ekonomija dinjija, madankollu, hemm bżonn ta’ entitajiet internazzjonali iktar effiċjenti b’iktar poteri għat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tiġi żgurata governanza dinjija iktar b’saħħitha (FMI, Bank Dinji, ILO u WTO). Fl-istess ħin, il-G20 irid ikun iżjed strutturat sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet impenjattivi. Pereżempju, għandu jaħtar “Kumitat Ekonomiku u Soċjali” għall-iżvilupp internazzjonali, jieħu azzjonijiet permezz ta’ stimolu fiskali, u jirregola r-relazzjonijiet bejn il-muniti, biex inaqqas id-diskriminazzjoni fil-qasam kummerċjali, anke permezz ta’ kapaċità akbar ta’ intervent tal-BĊE.

5.3

Eċċess ta’ tfaddil fil-livell dinji Fil-fatt, it-tkabbir huwa essenzjali anke għall-bqija tal-ekonomija dinjija. It-twissija tal-FMI li l-Ewropa trid tgħaqqad il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn u tad-defiċit ma’ miżuri li jistimolaw it-tkabbir hija f’waqtha u ġustifikata. Hemm eċċess ta’ tfaddil fil-livell dinji li mhux qed isib opportunitajiet ta’ -investiment. Fil-fatt, fondi ta’ kapital privat ta’ valur ta’ madwar USD 2 triljun ma sabux fejn jiġu investiti (11). Il-fond ta’ investiment sovran ewlieni tan-Norveġja qed inaqqas il-proporzjon ta’ investimenti Ewropej minn iżjed minn ħamsin fil-mija għal erbgħin fil-mija (12). Fl-2011, il-fond ta’ investiment sovran ewlieni tal-Asja, iċ-China Investment Corporation, għamel telf fuq l-investimenti ta’ekwità privata, u naqqas minn nofs għal kwart is-sehem tal-portafoll tiegħu ta’ titoli privati, u qed ifittex opportunitajiet ta’ investiment fuq medda ta’ żmien itwal fis-settur pubbliku minflok fis-settur privat (13).

6.   Azzjonijiet għaddejjin bħalissa fl-UE

6.1   EFSF/EMS: meta sabet ma’ wiċċha l-kriżi fil-bidu tagħha, li mbagħad ittrasformat f’attakki spekulattivi fuq l-euro, l-UE pprovat tieħu azzjoni fuq diversi naħat mingħajr ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra l-ispekulaturi. It-tisħiħ tal-fond li jsalva l-Istati permezz tal-għoti ta’ liċenzja bankarja, huwa eżempju li għandu jippermetti li jkun strument effiċjenti, anke jekk limitat, li jgħin lill-Istati li huma fil-periklu li jfallu allavolja mhuwiex tort tagħhom, kontra l-ispekulazzjoni fuq l-ishma tal-banek u d-dejn, anke jekk mhijiex is-soluzzjoni għall-kriżi.

6.2   L-unjoni bankarja hija pilastru ieħor tagħha. Fil-fatt huwa impossibbli li tinżamm żona b’munita waħda u 17-il suq finanzjarju u tad-dejn fuq medda twila ta’ żmien, speċjalment billi l-kriżi saħħet il-frammentazzjoni nazzjonali. Għalhekk l-unjoni bankarja ssir aspett indispensabbli u prijoritarju għar-reċiproċità tar-riskju, biex jiġu protetti d-depożituri, inkluż permezz tal-“ta’ likwidazzjoni”, u biex terġa’ tingħata fiduċja lis-sistema, li waqfet taħdem, u biex jerġa’ jidħol fiċ-ċirkolazzjoni l-kreditu għan-negozji fil-pajjiżi kollha fuq il-bażi tal-popolazzjoni kkonċernata u mhux il-kobor tal-banek, u b’hekk jiġi evitat it-trasferiment ta’ likwidità lejn pajjiżi li jitqiesu li huma riskju inqas u titnaqqas il-firxa tar-rati ta’ interess. Barra minn hekk, l-unjoni għandha tnaqqas ukoll ir-riskju sistemiku u tkisser ir-rabta bejn id-dejn pubbliku u l-banek. Anke hawnhekk wieħed m’għandux jinsa li meta l-euro nħoloq, is-sistemi bankarji baqgħu separati, u dan huwa nuqqas kbir ħafna. Fil-biċċa l-kbira, dan huwa minħabba l-fatt li f’xi pajjiżi b’saħħithom is-sistemi bankarji huma fil-biċċa l-kbira tagħhom pubbliċi.

6.3   Is-superviżjoni bankarja Ewropea tikkompleta d-dispożizzjonijiet attwali. Din hija kompetenza li tgħaddi għal-livell tal-UE, li tiġi eżerċitata b’mod dirett minn awtorità waħda. Biex jintwera li l-Ewropa toffri valur miżjud sinifikanti, huwa importanti ħafna li tiġi promossa aktar trasparenza fil-prassi tal-banek, u jiġi impedut il-kunflitt tal-interessi u prattiki ħżiena bħall-manipulazzjoni tar-rati tal-interessi LIBOR. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf mekkaniżmu superviżorju uniku taħt il-patroċinju tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jkopri ż-żona tal-euro u jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha (14).

6.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm OMT (Tranżazzjonijiet Monetarji Definittivi – Outright Monetary Transactions) ġdid li jippermetti lill-BĊE jakkwista titoli tal-Istat fis-suq sekondarju, sabiex iwaqqaf l-ispekulazzjoni u jnaqqas id-differenzi fid-dejn tal-Istati, u għalhekk fuq l-euro. Din il-miżura, flimkien ma’ oħrajn mhux konvenzjonali ta’ politika monetarja adottati (anke fil-passat kien hemm minnhom), sabiex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja, jirrappreżentaw bidla fir-rwol tal-BĊE, anke jekk fl-ispirtu tat-Trattat u fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, anke f’dan il-każ, dawn l-istrumenti tekniċi ma jsolvux il-problema, iżda jagħtu lill-gvernijiet u lill-UE iż-żmien neċessarju biex jadottaw il-miżuri meħtieġa.

6.5   Il-BĊE

6.5.1

L-objettiv tal-BĊE huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, u sabiex dan iseħħ irid iżomm l-indipendenza politika tiegħu, jiġifieri ma jistax jitlob jew jieħu struzzjonijiet minn gvernijiet jew mill-UE. Dan l-istatus huwa korrett, anke jekk skont it-Trattat il-Kunsill għandu l-kompitu li “jikkonkludi ftehim formali dwar sistema ta’ rati tal-kambju għall-euro fir-rigward tal-valuti ta’ Stati terzi” (15). Fl-assenza ta’ dawn il-ftehimiet jew fil-perjodi intermedji, il-BĊE għandu jqis il-politika tar-rati tal-kambju bħala parti mill-kompetenzi tiegħu. Il-BĊE għandu wkoll objettivi sekondarji, bħal pereżempju li jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja, anke jekk il-miżuri tiegħu matul il-kriżi kienu jikkonċernaw l-objettiv ewlieni billi kienu msejsa fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid mekkaniżmu ta’ trażmissjoni effettiv għall-politika monetarja sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tal-pajjiżi kollha tal-euro.

6.5.2

Fir-rigward tax-xejriet tal-prezzijiet, hemm bżonn li jkun imfakkar li tqum il-kwistjoni dwar jekk hux tajjeb li l-kriterji ta’ Maastricht dwar l-inflazzjoni jkunu bbażati fuq il-medja tal-inflazzjoni tat-tliet pajjiżi li jkollhom l-iktar suċċess fl-UE pjuttost milli fiż-żona tal-euro

6.5.3

B’mod ġenerali l-mandat tal-BĊE huwa iżjed limitat meta mqabbel ma’ banek ċentrali oħrajn. L-ewwel nett, il-BĊE m’għandux mandat biex jappoġġja t-tkabbir u l-impjiegi, kif għandha r-Riżerva Federali, għalkemm il-politiki monetarji jixxiebhu. Iżda hemm differenzi fundamentali bejn l-Istati Uniti (sistema fiskali ċentralizzata) u l-UE fl-implimentazzjoni tal-politika baġitarja. Barra minn hekk, attwalment, ir-rwol tal-BĊE bħala mutwanti tal-aħħar istanza huwa limitat għas-sistema bankarja u ma jestendix għal gvernijiet (il-gvern tal-UE) kif implikat f’kuntesti “nazzjonali”, ħaġa li għandha tkun possibbli fil-kuntest ta’ UEM kompleta. Barra minn hekk, il-politika monetarja unika tal-BĊE ssir iżjed diffiċli minħabba d-differenzi u l-iżbilanċi bejn l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi mill-UE.

6.5.4

Madankollu, huwa punt pożittiv li l-prinċipju tal-“uniċità” taż-żona tal-euro wassal lill-BĊE biex jiddikjara li l-euro hija “irreversibbli” u li, kif rajna, ippermettielu, wara sforz kbir, jadotta miżuri biex inaqqas il-firxa tar-rati tal-interess fuq id-dejn pubbliku tal-pajjiżi differenti permezz tal-akkwist ta’ bonds fis-suq sekondarju. Dan il-proċess jesiġi, b’mod parallel ma’ ritorn għat-tkabbir, pjan “Ewropew” għall-ħruġ mid-dejn li jakkumpanja lil dawk tal-pajjiżi individwali (16).

6.5.5

Tal-inqas dan iservi biex inaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz tar-rati ta’ finanzjament tad-dejn u tal-investiment: anke llum il-ġurnata din hija diverġenza finanzjarja vera u proprja li żżid l-iżbilanċi li diġà jeżistu, fosthom l-iżbilanċi fil-pagamenti.

6.5.6

Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li huwa neċessarju li tiġi kkundisdrata mill-ġdid anke l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet stipulati mill-BĊE u l-UE. Mhux aċċettabbli li l-banek jingħataw likwidità b’rati baxxi ħafna mingħajr ma jitpoġġew kundizzjonijiet, pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ dawn il-fondi. Filfatt, tal-inqas parti mill-fondi għandha tmur fl-investimenti, filwaqt li għax-xiri ta’ bonds tad-dejn sovran mill-BĊE (OMT), anke jekk din hija kwistjoni separata, għandhom jiġu imposti kundizzjonijiet ibsin ħafna fuq il-pajjiżi. Dawn il-kundizzjonijiet huma ġustifikati l-iżjed minħabba l-fatt li hemm bżonn li jkun hemm reazzjoni għar-regoli ta’ “suq” mibdul u bla skrupli, anonimu u li jopera b’ħeffa kbira u li fir-realtà ftit li xejn jixbah lil suq (17). L-UE ma tistax tilgħab din il-logħba: awsterità estrema u regoli stretti għaċ-ċittadini u n-negozji fi żmien ta’ kriżi, u n-newtralità għall-investituri u l-ispekulaturi, li jinħbew wara l-banek kummerċjali u l-fondi ta’ investiment internazzjonali, ħlief għad-difiża stinata tal-euro mill-President tal-BĊE fil-mumenti l-iżjed kritiċi tal-attakk.

6.5.7

Minflok, għandu jkun neċessarju, li l-azzjoni tal-BĊE tappoġġja b’mod bilanċjat l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet u l-iżbilanċi li jeżistu, bl-istrumenti attwali, sabiex jagħmlu tajjeb sakemm jintemm il-mandat attwali u d-defiċit politiku tal-UE. Pereżempju, is-suq interbankarju jista’ jingħata ħajja ġdida f’xi pajjiżi taż-żona tal-euro permezz ta’ rati negattivi fuq id-depożiti overnight mal-BĊE.

6.5.8

Barra minn hekk, il-KESE jibqa’ konvint li hemm bżonn li tiġi solvuta immedjatament il-kwistjoni tad-dejn  (18), fuq il-bażi tal-proposta tiegħu, u biex jintlaħaq dan il-għan hija essenzjali l-azzjoni tal-BĊE u tal-Kunsill.

6.5.9

Il-Kumitat jaħseb li għandha tingħata iktar trasparenza lid-deċiżjonijiet tal-BCE. Pereżempju jistgħu jkunu ppubblikati r-riżultati tal-votazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE bil-għan li tiżdied ir-responsabbiltà tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro. Dan iwassal biex jieħdu deċiżjonijiet abbażi tal-kondizzjonijiet ekonomiċi globali fiż-żona tal-euro u mhux abbażi tal-żvilupp tal-ekonomiji nazzjonali tagħhom stess.

6.5.10

Problema oħra li tajjeb tissemma hija dwar is-sistema tal-votazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (19), b’mod partikolari fir-rigward tad-differenza bejn id-dritt għall-vot u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-pajjiżi membri. Din hija problema li diġa sseħħ fis-sistema ta’ pagamenti fil-mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u tista’ tirrepeti ruħha pereżempju fi ħdan l-Unjoni Bankarja.

7.   Il-futur ekonomiku tal-UE: l-unjoni ekonomika u soċjali – it-tkabbir u impjieg

7.1

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ rkupru mmexxi mill-investiment ekoloġiku u soċjali  (20), peress li huwa konvint li l-istabbiltà waħedha ma tistax tiżgura l-irkupru, li jiddipendi mill-fiduċja tan-negozji u tal-konsumaturi. Fid-dawl tal-fatt li l-aspettattivi tas-settur privat huma baxxi u l-kapaċità mhux użata huma kbar, in-negozji ma jistgħux iserrħu rashom li ħa jkun hemm profitti fil-futur mill-investiment attwali. U, jekk min-naħa tagħhom, iċ-ċittadini m’għandhomx iċ-ċertezza li se jkunu jistgħu jżommu jew isibu post tax-xogħol, jippreferu jfaddlu jew inaqqsu d-dejn personali minflok jonfqu. Livell ta’ qgħad ogħla jfisser li n-nies huma dejjem inqas f’pożizzjoni li jonfqu.

7.2

Għaldaqstant, sabiex tiġi promossa l-fiduċja fost in-negozji u ċ-ċittadini, bħalma ġara pereżempju meta ġiet proposta n-New Deal fl-Istati Uniti, l-irkupru għandu jitmexxa mill-investiment (21). Għal dan il-għan, il-kriterji fundamentali huma dawk adottati mill-BEI li jmorru lura sal-Programm ta’ Azzjoni Speċjali ta’ Amsterdam fl-1997, b’mandat li jippromovi l-koeżjoni u l-konverġenza fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fit-tiġdid urban u fl-ambjent, barra min-netwerks trans-Ewropej.

7.3

Dan huwa għan li jista’ jiġi segwit, u jpoġġi fiċ-ċirkolazzjoni t-tfaddil eċċessiv fil-livell dinji kif intqal fil-punt 5.3. Fil-fatt xi fondi ta’ investiment qed ifittxu opportunitajiet fuq medda twila ta’ żmien għal tfaddil eċċessiv globali ġġenerat f’partijiet oħra tad-dinja. Dan jippreżenta vantaġġi reċiproċi għall-investituri ta’ pajjiżi terzi u għall-ekonomija Ewropea. F’dan il-kuntest rwol ewlieni jista’ jkun dak taż-żewġ istituzzjonijiet “aħwa” tal-BEI u l-FEI (Fond Ewropew tal-Investiment) fil-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

7.4

B’hekk, għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fil-kapital sottoskritt tal-BEI. Anke l-bonds tal-proġetti jistgħu jaqdu rwol importanti fl-irkupru. Iżda “eurobonds” huwa isem adatt għar-riċiklar tal-eċċessi globali fl-investimenti, anke jekk is-swieq aktarx se jirreferu għalihom fil-qosor bħala “€ bonds”. Hija magħrufa r-reżistenza ta’ xi gvernijiet għall-eurobonds, iżda dan huwa minħabba suppożizzjoni żbaljata, peress li qed ifixxklu l-eurobonds meħtieġa għat-tkabbir mal-Union bonds li huma mmirati għad-dejn (22).

7.5

Il-FEI mill-bidu saħaq dwar il-fatt li jista’ joħroġ bonds Ewropej għal investimenti soċjali fit-tul (23), permezz ta’ żieda fil-kapital tiegħu sottoskritt meta mqabbel mal-livell attwali – li huwa pjuttost baxx, EUR 3 biljun, iżda mingħajr ma hemm bżonn ta’ reviżjoni tat-Trattat (24). L-ebda wieħed mill-Istati Membri ewlenin, bħall-oħrajn taż-żona tal-euro, ma jinkludi d-dejn tiegħu fil-finanzjament mill-BEI u l-istess għandu japplika għall-finanzjament tal-FEI. Il-bonds tal-FEI, bħall-bonds tal-BEI, jistgħu jiġu ggarantiti mid-dħul mill-finanzjament ta’ proġetti.

7.6

L-innovazzjoni tal-prodotti u l-ħolqien taswieq: barra minn hekk naħsbu li l-Unjoni trid tkun inqas newtrali fir-rigward tal-politika ta’ innovazzjoni tagħha. Fis-snin sebgħin, il-politiki industrijali ma baqgħux moda minħabba li l-gvernijiet ma setgħux jipprivileġġaw “operaturi speċifiċi” jew “kampjuni nazzjonali”. Iżda naħsbu li hemm raġunijiet validi għalfejn dan l-approċċ għandu jinbidel (25).

7.7

Barra minn hekk, l-ewwel nett, mhuwiex minnu li l-politiki “li ma jiffavorixxux l-indħil” huma dejjem virtwużi. Fil-passat dawn wasslu għal investimenti żbaljati fis-settur finanzjarju. It-tieni, irid ikun hemm azzjoni iktar deċiżiva rigward il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-tielet, ammont eċċessiv ta’ proġetti tat-teknoloġija mressqa taħt il-Programmi Qafas huma rrifjutati mhux minħabba n-nuqqas ta’ mertu tagħhom iżda minħabba nuqqas ta’ riżorsi proprji, problema li tista’ tiġi solvuta permezz ta’ Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju ffinanzjat minn bonds. Ir-raba’, l-ekonomiji emerġenti kienu kapaċi jippromovu firxa ta’ “kampjuni” nazzjonali b’suċċess konsiderevoli (26).

7.8

Il-finanzjament tal-investimenti permezz tat-trasferiment l-eċċessi lejn il-eurobonds għandu jkun disponibbli għall-Istati Membri kollha u għandu joħloq vantaġġi kumulattivi fil-livell makroekonomiku, soċjali, tal-impjieg u dak politiku, fatt li jsaħħaħ il-każ favur “aktar Ewropa”, idwaru l-elettorati u xi gvernijiet qed isiru dejjem iżjed xettiċi.

7.9

It-tkabbir jistaanke jsaħħaħ l-istabbiltà. Abbażi tal-prinċipju tal-BEI li l-finanzjament tal-bonds m’għandux jitqies bħala dejn nazzjonali, il-finanzjament tal-eurobonds għall-irkupru għandu jippermetti li t-tnaqqis tad-dejn nazzjonali ikun iżjed fattibbli u jillibera dħul fiskali nazzjonali sabiex jitnaqqsu d-defiċits jew jinżammu baxxi, filwaqt li fl-istess ħin titħares ukoll in-nefqa soċjali bażika. F’dan ir-rigward, ikun hemm bżonn li jiġu definiti parametri u kriterji komuni mill-pajjiżi u mill-Eurostat biex id-data tiġi vvalutata b’mod aktar ġust u aħjar.

7.10

Barra minn hekk, ġie injorat il-fatt li l-ipoteżi ta’ “crowding out” tassumi impjieg sħiħ. Fid-dawl tal-fatt li, attwalment, hemm livelli għoljin ta’ qgħad f’ħafna mill-Istati Membri, il-finanzjament – separat jew konġunt – tal-bonds tal-proġetti bejn il-BEI u l-FEI, jista’ jiddetermina akkumulazzjoni (crowding in) ta’ investiment fis-settur privat, dħul u impjiegi b’effett multiplikatur fuq l-investimenti sa tliet darbiet, u multiplikaturi fiskali pożittivi fis-sens tal-ħolqien ta’ dħul mit-taxxi dirett u indirett (27).

7.11

Fid-dawl tad-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw ċerti pajjiżi, u b’mod partikolari l-Greċja u Ċipru, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat mill-ġdid l-aġġustament strutturali fuq medda qasira ta’ żmien, kif mitlub mit-trojka, mil-lat tal-prospettivi iżjed fit-tul għal dawn il-pajjiżi wara l-iskoperta li l-Lvant tal-Mediterran għandu riżervi kbar u essenzjalment mhux sfruttati ta’ żejt u gass (28).

8.   Il-futur politiku tal-UE

8.1

Għaldaqstant, il-KESE huwa konvint li mhuwiex biżżejjed li l-UE twettaq xogħol sporadiku ta’ “manutenzjoni”. L-UE ma tistax tipperpetwa l-vakum li ilu jeżisti minn żmien Maastricht, mingħajr ma tirrispondi għall-isfidi li tippreżenta l-euro, u li l-kriżi aggravat, biex b’hekk ħarġu fid-dieher defiċits kbar, l-ewwel fosthom dak demokratiku (29), u l-integrazzjoni Ewropea terġa’ tingħata raġuni sabiex l-idea tal-Ewropa tibqa’ ħajja.

8.2

Il-KESE jemmen li l-munita unika se tkun sostenibbli jekk niksbu konverġenza bejn il-kapaċitajiet ekonomiċi (prestazzjonijiet) tal-pajjiżi taż-żona tal-euro. Dan il-għan jirrikjedi impenn ekonomiku u politiku. Jiġifieri għandna bżonn ta’ unjoni politika li tippermetti li d-differenzi jkunu aċċettabbli u li jkun possibbli li parti mill-ġid tal-pajjiżi b’saħħithom jiġi trasferit għal dawk dgħajfa permezz ta’ proċess trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet u forma ġdida ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi (30).

8.3

Minħabba din il-kriżi qed jerġgħu joħorġu fil-beraħ id-“differenzi l-antiki” bejn l-Ewropej. Qed nerġgħu naraw id-difett li wieħed iħares lura, u jqumu l-fantażmi tal-passat jew ideat żbaljati li ħsibna li kienu għebu għalkollox, bħallikieku l-awsterità u d-dejn kienu r-riżultat ta’ kondotta ħażina minflok żbalji ta’ gvernijiet miż-żewġ “naħat”. Bl-istess mod kif il-pajjiżi li jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ma jistgħux jitfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fuq spallejn l-UE (jew il-Ġermanja), il-pajjiżi iktar għonja ma jistgħux jinjoraw il-benefiċċji ikbar li l-euro ġabilhom, parzjalment aspejjeż ta’ oħrajn, minħabba l-iżbilanċi ekonomiċi attwali. Għaldaqstant, għandna bżonn ta’ kapaċità ġdida għal azzjoni politika u kulturali u djalogu bejn l-Ewropej, b’vantaġġi ċari reċiproċi, kif qal darba ħafna snin ilu l-poeta Ġermaniż Hölderlin (31), ispirat miċ-ċivilizzazzjoni Griega.

8.4

Jeħtieġ li nagħmlu qabża fil-kwalità. Irridu nagħqdu flimkien mhux biss l-ekonomija iżda wkoll il-politika u s-SOVRANITÀ ta’ kull wieħed u waħda minna. Mhuwiex il-punt li wieħed jiddiskuti liema “mudell” Ewropew għandu jiġi żviluppat, iżda pjuttost liema istrumenti neħtieġu: strumenti effiċjenti, demokratiċi u trasparenti għat-teħid tad-deċiżjonijiett u għall-ksib tal-ġid komuni, u sabiex l-Ewropej ikunu magħquda u mhux mifrudin.

8.5

Għall-istess raġunijiet, il-KESE jaħseb li mhux f’waqtha l-kwistjoni dwar jekk it-Trattat għandux jiġi emendat jew le. Ovvjament minn dan jiddependi dak li hemm bżonn li jsir biex l-UEM tiġi kkompletata. Iżda l-parti l-kbira tal-proposti tagħna jistgħu jsiru mingħajr emendi għat-Trattat (tkabbir, dejn eċċ.), filwaqt li għal oħrajn il-kooperazzjoni msaħħa hija biżżejjed. Madankollu, l-importanti huwa l-għan li jrid jintlaħaq għall-ġid tal-ekonomija, l-euro u ċ-ċittadini tal-UE. It-Trattat huwa biss l-istrument. Dan għandu jiġi spjegat liċ-ċittadini bl-aktar mod korrett, bil-parteċipazzjoni diretta tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u/jew permezz tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

8.6

Il-KESE jaħseb li ż-żona tal-euro għandha r-riżorsi biex tippjana l-futur tagħha: iktar integrazzjoni politika, inqas kontroll mill-gvernijiet, u ekonomija soċjali tas-suq biex jerġa’ jibda t-tkabbir u l-impjiegi u tintlaħaq Unjoni politika, ekonomika u soċjali.

9.   Integrazzjoni jew diżintegrazzjoni?

9.1

Mingħajr dan il-pass addizzjonali, il-kriżi, kif qed tiġi ffaċċjata s’issa, tista’ twassal għad-diżintegrazzjoni taż-żona tal-euro u għaldaqstant tal-UE. Il-politika tal-awsterità u tat-tnaqqis, bħat-tnaqqis tad-dejn, ma tistax tiġi applikata waħedha anke meta huma meħtieġa. Hemm bżonn li jintużaw strumenti oħra wkoll (żieda fit-talba tal-pajjiżi kredituri) fi ħdan qafas ta’ solidarjetà. Irridu nfiehmu liċ-ċittadini tal-pajjiżi kkonċernati li l-eċċessi tagħhom joriġinaw mid-dejn tal-oħrajn, u li l-attakki fuq l-euro m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-livell tad-dejn (32), anke jekk dan irid jitnaqqas. Fl-istess waqt iċ-ċittadini tal-pajjiżi tan-Nofsinhar iridu jagħmlu pressjoni fuq il-gvernijiet tagħhom biex jikkonsolidaw id-dejn, jamministraw il-baġits ta’ pajjiżhom b’iktar kawtela, jeliminaw l-infiq żejjed u l-evażjoni tat-taxxa, inaqqsu t-taxxi u jżidu t-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u l-kompetittività tas-sistemi tagħhom, mhux biss permezz ta’ xi riformi iżda wkoll permezz ta’ aktar solidarjetà u politika ekonomika differenti tal-UE u tal-BĊE (33).

9.2

Inkella l-ebda pajjiż ma jkun jista’ jnaqqas id-dejn u jikkonsolida l-baġit tiegħu. Għalhekk, il-miżuri ta’ awsterità jridu jonqsu u tinbidel il-politika ekonomika. Jekk jiġri bil-kontra r-riskji aktarx se jiżdiedu. Hawnhekk l-istorja tista’ tgħinna (34). Jeħtieġ li naffermaw perspettiva ġdida għall-integrazzjoni, jiġifieri integrazzjoni pożittiva, mhux negattiva, li tagħmel ħsara jew li hija sforzata.

9.3

Irridu nqisu li fil-preżent ħadd fl-Ewropa mhuwa sigur, u ma jistax jilħqu l-periklu, anke jekk inħolqot sitwazzjoni anomala. Fil-fatt it-tkabbir ekonomiku ta’ wħud mill-pajjiżi, imsħħaħ mill-euro, u d-dgħufijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, ġiegħlu lill-Ġermanja, il-pajjiż l-iżjed b’saħħtu, biex tieħu rwol ċentrali fl-Ewropa, ta’ sikwit f’oppożizzjoni mal-“periferiji”, b’mod speċjali, iżda mhux biss, in-Nofsinhar. “Dan iżid l-ansjetà tal-oħrajn” (H. Schmidt), b’mod partikolari minħabba l-mod kif inhu perċeput dan ir-rwol. Għalhekk ikun neċessarju li tittieħed azzjoni li tgiddeb din il-perċezzjoni (35).

9.4

Fil-fehma tal-KESE, illum fl-Ewropa jidher li qed jiddominaw kemm l-egoiżmu kif ukoll l-interessi nazzjonali, daqslikieku qed niffaċċjaw “utopijaniżmu ta’ interessi”. L-approċċ ekonomistiku ħa s-sopravvent u rrelega għat-tieni post il-valuri li fuqhom issejset l-Ewropa u li huma l-bażi tal-eżistenza tagħha. L-Ewropa toħroġ minn dan kollu bħala egoista u nieqsa mis-solidarjetà. It-tensjonijiet ta’ dan l-aħħar jixhdu l-periklu ta’ “dissoluzzjoni psikoloġika” perikoluża tal-UE, li tolqot liċ-ċittadini u lill-gvernijiet. Dawn iridu jingħataw rimedju billi jiġu mismugħa bla arroganza u jingħataw tweġibiet konkreti.

9.5

Ninsabu f’salib it-toroq: il-KESE jistaqsi kif it-tnikkir u d-dubji tal-Ewropa, l-ewwel ekonomija fid-dinja, jistgħu jħallu ’l-Greċja, l-omm tal-prinċipji li tħaddan u entità minuri ħafna mil-lat ekonomiku (36), tinqered, u titlob sagrifiċji miċ-ċittadini u min-negozji mingħajr ma takkompanjahom bi pjan ta’ għajnuna għat-tkabbir, li huwa l-uniku mod biex jitħallsu d-djun, u pjan biex tittaffa t-tbatija soċjali ta’ parti mill-popolazzjoni Griega u Ewropea. Wieħed jistaqsi: Din x’Ewropa hi?

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(2)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44.

(3)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(4)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68 u ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34.

(5)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(6)  “Dat-taħdit kollu dwar kriżi tal-euro huwa biss tpaċpiċ fil-vojt”, Helmut Schmidt.

(7)  Għalkemm b’rati differenti (tkabbir fuq medja ta’ 1,6 % bejn l-2001 u l-2006) filwaqt li kienet 2,3 % fit-tliet pajjiżi tal-UE15 li ma ssiħbux fil-euro. B’mod simili, ir-rata tal-qgħad f’dawn il-pajjiżi kienet kważi 3 % inqas.

(8)  “L-eċċess tagħna fil-fatt huwa defiċit għall-oħrajn. Il-krediti li għandna ma’ oħrajn huma d-dejn tagħhom”, H. Schmidt.

(9)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 10 u ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(10)  “L-euro jista’ jaggrava t-tensjonijiet li hemm bejn il-membri tal-Unjoni Monetarja, sal-punt li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal kunflitti ġodda, anke militari”, Martin Feldstein u Milton Friedman.

(11)  Bain & Company Global Private Equity Report for 2012.

(12)  Reuters (2012). Il-fond sovran ta’ investiment tan-Norveġja – USD 610 biljun – ser inaqqas l-investiment fl-Ewropa, 30 ta’ Marzu 2012.

(13)  http://www.upi.com/Business_News/2012/07/25/Chinas-sovereign-wealth-fund-reports-loss/UPI-38111343274421/#ixzz2AcHV3HNp

(14)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 34.

(15)  Artikolu 219 tat-TFUE.

(16)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(17)  “Is-swieq ma jaqdux liċ-ċittadin iżda bil-kontra. Id-dmir tagħna huwa li ninkorporaw l-ispirtu ta’ solidarjetà tal-ekonomija soċjali fis-swieq u l-finanzi,” Angela Merkel, Kanċillier tal-Ġermanja.

(18)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(19)  Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-21.3.2003.

(20)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam tal-1997, punt 9, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Straordinarju Ewropew tal-Lussemburgu tal-1997, punti 37-40.

(21)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10.

(22)  Idem

(23)  Stuart Holland (1993). The European Imperative: Economic and Social Cohesion in the 1990s. (L-eżiġenza Ewropea: il-koeżjoni ekonomika u soċjali fis-snin 90”) introduzzjoni ta’ Jacques Delors Nottingham: Spokesman Press.

(24)  L-Artikolu 2(2) tal-Istatut tal-Fond Ewropew tal-Investiment jgħid li l-attivitajiet tal-Fond jistgħu jinkludu operazzjonijiet ta’ self. Fil-prinċipju, il-Fond ikkonferma li jista’ joħroġ bonds bis-saħħa ta’ deċiżjoni sempliċi tal-Assemblea Ġenerali u wara l-approvazzjoni ta’ żieda fil-kapital sottoskritt, kif ġara reċentement fil-każ tal-BEI. Madankollu, jekk l-UE trid tagħraf l-importanza li toħroġ bonds kemm għall-iffinanzjar tal-irkupru mmexxi mill-investimenti soċjali kif ukoll biex terġa’ tpoġġi fiċ-ċirkolazzjoni l-eċċessi fil-livell dinji, huwa indispensabbli li din id-deċiżjoni jkollha approvazzjoni iżjed espliċita. Fil-prinċipju din tista’ tingħata mill-Kunsill Ewropew bħala “politika ekonomika ġenerali” tal-Unjoni biex jiġi ffinanzjat l-irkupru, pjuttost milli mill-Ecofin biss, u jekk ikun meħtieġ, l-approvazzjoni tista’ twassal għal kooperazzjoni msaħħa, bħal fil-każ tal-proposta reċenti fir-rigward ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li jista’ jkollha importanza makroekonomika wkoll.

(25)  Philippe Aghion, Julian Boulanger u Elie Cohen. Rethinking Industrial Policy (Nikkunsidraw mill-ġdid il-politika industrijali).. Bruegel Policy Brief, April 2011.

(26)  The Economist (2012), The Rise of State Capitalism: The Emerging World's New Model. (Il-bidu tal-kapitaliżmu tal-Istat: il-mudell il-ġdid tal-pajjiżi emerġenti), Rapport Speċjali, 21-27 ta’ Jannar 2012.

(27)  Blanchard, Blot, Creel et al., studji għall-Observatoire Français des Conjonctures Économiques.

(28)  F’dan il-kuntest, mhuwiex aċċettabbli li t-trojka qed titlob li l-Greċja tbigħ is-sehem ta’ maġġoranza li għandha fil-kumpanija nazzjonali taż-żejt lil interessi barranin, u ddaħħal biss madwar EUR 50 biljun. Iċ-ċittadini tal-Greċja huma ġustifikati li jqisu dan bħala rigal lis-swieq minflok ma jaqdi liċ-ċittadini stess. Għaldaqstant il-KESE jipproponi li l-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid l-aġġustament strutturali li qed titlob fuq medda qasira ta’ żmien sabiex jiġi kkunsidrat id- dħul eċċezzjonali previst fuq perjodu ta’ żmien twil.

(29)  “Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE, qed naraw id-demokrazija tiżżarma,” Jurgen Habermas.

(30)  “Pajjiż ma jistax jimplimenta politiki li jistgħu jagħmlu ħsara lil pajjiż ieħor fiż-żona tal-euro,” M. Draghi.

(31)  “… For we are a conversation, and we can listen/To one another”, mill-poeżija Celebration of Peace ta’ F. Holderlin, poeta (1770-1843).

(32)  Spanja hija eżempju tajjeb, fejn id-dejn huwa inqas (68,5 % tal-PDG) minn dak tal-Ġermanja (81,2 % tal-PDG). Data tal-Eurostat għall-2011.

(33)  Ir-Rapport Spaak tal-1956 irrikonoxxa li l-integrazzjoni ta’ ekonomiji b’effiċjenzi differenti tista’ taggrava d-differenzi strutturali, soċjali u reġjonali u trid tiġi bbilanċjata minn politiki komuni strutturali, soċjali u reġjonali.

(34)  1933: il-kongsegwenzi tal-politiki deflazzjonarji tal-Kanċillier Ġermaniż Heinrich Brüning wara l-kriżi tal-1929.

(35)  “M’għandniex bżonn Ewropa Ġermanika, iżda Ġermanja Ewropea,” H. Kohl.

(36)  2 % tal-PDG tal-UE.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ekonomija ekoloġika — inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 271/03

Relatur: is-Sinjura AGUDO I BATALLER

Korelatur: is-Sur NARRO

Nhar il-15 ta’ Novembru 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-ekonomija ekoloġika - inħeġġu l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’108 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika inklużiva ser tkun l-isfida ewlenija li ser ikollha tiffaċċja l-Ewropa fis-snin li ġejjin jekk trid tibqa’ qawwa ekonomika dinjija. Fil-Konferenza Rio+20, l-Unjoni Ewropea għażlet ekonomija ekoloġika bħala mod ta’ żvilupp sostenibbli. Issa wasal iż-żmien li l-UE taġixxi. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ mudell ta’ żvilupp ekonomiku li jagħti prijorità lill-investimenti pubbliċi, u li jiddefinixxi b’mod adegwat l-inċentivi għall-investimenti privati, meħtieġa fl-infrastrutturi u r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) ekoloġiċi, bl-għan doppju li titħeġġeġ il-produzzjoni biex noħorġu malajr mis-sitwazzjoni attwali ta’ riċessjoni u biex mill-pożizzjoni ekonomika u soċjali ta’ mexxejja nindirizzaw it-tranżizzjoni lejn din it-tielet rivoluzzjoni industrijali.

1.2

Il-KESE jqis li l-bidliet profondi u meħtieġa fil-forma ta’ produzzjoni u konsum jeħtieġu, bħala rekwiżit fundamentali, li s-soċjetà ċivili tiġi involuta f’dan il-proċess kollu ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva u dan għandu jsir fil-livelli kollha, speċjalment fil-livell settorjali u territorjali (Ewropew, nazzjonali u reġjonali). Hemm bżonn ta’ ġestjoni parteċipattiva sabiex kemm jista’ jkun jittaffew ir-reżistenza u l-effetti negattivi li ġġib kull bidla. Dan l-involviment huwa dak li ser jippermetti li jkun hemm progress sostenibbli fl-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

1.3

Il-KESE jinnota bi tħassib li l-politiki ta’ inċentiv fiskali ekoloġiku sofrew tnaqqis profond fis-snin reċenti minħabba l-politiki ta’ “awsterità fiskali”, li qed ikollhom effett drammatiku li jnaqqsu l-attività ekonomika u jintilfu l-impjiegi. Il-FMI rrikonoxxa li l-effetti kontradittorji reali ta’ dawn il-politiki fuq l-attivitajiet tal-produzzjoni kienu ħafna aktar mill-istimi li saru s’issa.

1.4

Il-KESE jenfasizza li bl-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika inklużiva ser jiżdiedu l-possibbiltajiet tal-ħolqien tal-impjiegi. B’impjiegi ekoloġiċi ma nifhmux biss ir-relazzjonijiet ma’ xi wħud mis-setturi emerġenti ġodda imma anke dawk kollha li jinbtu mill-ekoloġizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni u prodotti fis-setturi kollha. Tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika teħtieġ politiki attivi tal-impjieg li jiżguraw il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol deċenti, inklużi t-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ kontinwu għall-ħaddiema attivi. L-impjiegi għan-nisa u għaż-żgħażagħ f’dawn is-setturi ser ikunu l-qofol ta’ dan it-tkabbir.

1.5

Il-KESE jqis li politika industrijali li tkun ġiet maqbula bejn l-imsieħba soċjali hija fundamentali biex jiġu kkoordinati l-isforzi fl-innovazzjoni teknoloġika u sabiex jitħeġġu l-bidliet fl-infrastrutturi tal-produzzjoni ta’ ħafna setturi Ewropej milquta mill-ħolqien ta’ ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Dan ser jeħtieġ ukoll sforz notevoli ta’ investiment fl-intrapriżi.

1.6

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tintegra l-għanijiet tal-Istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki kollha tagħha, speċjalment fl-Istrateġija Ewropa 2020 u s-seba’ inizjattivi ewlenin tagħha. Hemm bżonn ta’ koerenza bejn l-istrateġiji differenti tal-UE u l-Kummissarji għandhom jitkellmu b’vuċi waħda dwar dan is-suġġett. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni għandha taħtaf l-opportunità ta’ reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija 2020 biex issaħħaħ l-aspetti dwar is-sostenibbiltà tagħha u tintegraha kompletament fl-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli. Ser ikun hemm bżonn ta’ definizzjoni u użu ta’ indikaturi li jirreferu għall-kwalità tat-tkabbir u li jkunu jistgħu jiġu segwiti u vvalutati.

1.7

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu u għandhom jaqdu s-Semestru Ewropew u l-analiżi annwali tat-tkabbir biex jiġi żgurat is-segwitu tal-politiki ta’ żvilupp sostenibbli. Il-KESE iqis li hemm bżonn li jitneħħew is-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri rigward it-tassazzjoni dwar l-ambjent, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għall-ġestjoni tal-iskart u l-ilma u t-titjib fir-riċiklaġġ. F’dawn l-oqsma, l-Istati Membri għandhom ikunu aktar ambizzjużi u jistabbilixxu objettivi usa’.

1.8

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni għall-2014-2020 għandu kontradizzjoni importanti: is-setturi ekonomiċi bl-ogħla emissjonijiet ta’ CO2 (djar, enerġija, industrija u trasport) mhumiex dawk li jirċievu l-ikbar ammont ta’ fondi mill-UE biex jgħinuhom jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, u għaldaqstant huwa kruċjali li dawn jiżdiedu b’mod sostanzjali u tiġi garantita applikazzjoni effikaċi u effiċjenti.

1.9

Il-KESE jemmen li hu partikolarment importanti li jitkompla l-proċess tat-tassazzjoni ekoloġika, inklużi l-inċentivi fiskali għan-negozji li jistabbilixxu fondi ta’ investiment għat-tibdil fil-klima, bil-kundizzjoni li l-ġestjoni tagħhom ssir b’mod konġunt mal-ħaddiema.

1.10

B’rabta mal-politika kummerċjali tal-UE, il-KESE jqis li, sabiex jiġu evitati r-riskji tar-rilokazzjoni industrijali, hemm bżonn li jitqies l-istabbiliment ta’ tariffi ekwivalenti għat-taxxi fuq is-CO2, għal dawk il-pajjiżi li ma jaċċettawx l-impenji internazzjonali biex inaqqsu l-emissjonijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2011, l-OECD u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) fasslu rapporti komprensivi dwar l-ekonomija ekoloġika. L-ILO nediet il-programm “Impjiegi ekoloġiċi” u wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-Konferenza Rio+20 tal-2012 kien “Ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar”.

2.2

FFl-2006 l-UE ġeddet l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u fl-2009 nediet l-pakkett ta’ miżuri dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima bil-għan li sal-2020 l-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’20 %, il-persentaġġ ta’ enerġija rinnovabbli jiżdied b’20 % u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tiżdied b’20 % (1). L-UE għandha timmira lejn tnaqqis ieħor sal-2025 u l-2030. Fl-2011, il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza (2)”, il-“Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (3)”, “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, u “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (4).

2.3

Il-KESE minn dejjem appoġġja l-kunċett tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija bħala kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, u li l-proposti tas-soċjetà ċivili għandhom jitpoġġew fuq nett tal-politika Ewropea u nazzjonali sabiex ikun hemm bidla lejn ekonomija ekoloġika inklużiva, b’enfasi partikolari fuq il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-imsieħba soċjali kollha. Għalhekk, ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu jagħmlu referenza għad-diversi aspetti u l-proposti suċċessivi tal-Kummissjoni: il-KESE enfasizza li t-titjib tal-ekonomija ekoloġika u l-governanza la jista’ jinfired mill-promozzjoni tal-produzzjoni, mill-impjieg u mill-konsum sostenibbli, u lanqas mill-istrateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi jew mill-pakkett ta’ miżuri tal-UE għat-tibdil fil-klima.

3.   L-ekonomija ekoloġika

3.1

L-ekonomija ekoloġika inklużiva għandha ssib bilanċ bejn il-prosperità ekonomika, koeżjoni soċjali akbar u aktar konservazzjoni u użu razzjonali tar-riżorsi naturali, li jżommu l-benesseri tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. L-għan tagħha huwa li l-produzzjoni ma tibqax materjali, jiġifieri li t-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tar-riżorsi naturali u mill-ħolqien ta’ tniġġis u skart.

3.2

Skont l-ILO l-impjiegi ekoloġiċi huma dawk li jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-intrapriżi u s-setturi ekonomiċi sakemm jintlaħqu livelli sostenibbli u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, il-materja prima u l-ilma, għat-tnaqqis tal-karbonizzazzjoni tal-ekonomija u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Il-kunċett ta’ “impjieg ekoloġiku” huwa relattivament dinamiku peress li l-linja li tissepara l-“impjiegi ekoloġiċi” mill-“impjiegi mhux ekoloġiċi” tiddependi mill-proċess tal-innovazzjoni teknoloġika. Għalhekk, mhumiex biss ir-relazzjonijiet ma’ xi wħud mis-setturi emerġenti ġodda imma anke dawk kollha li jinbtu mill-“ekoloġizzazzjoni” tal-proċessi ta’ produzzjoni u prodotti fis-setturi kollha.

3.3

L-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika huwa determinat minn żewġ fatturi prinċipali: wieħed xprunat mill-politiki tat-tibdil fil-klima, u l-ieħor li jinbet mill-kompetizzjoni dejjem tiżdied tal-pajjiżi emerġenti biex jiksbu r-riżorsi li qed isiru dejjem iktar skarsi u jiswew aktar flus.

3.4

L-ekonomija ekoloġika mhix biss aġġustament settorjali bejn setturi emerġenti u oħrajn aktar tradizzjonali (li huma derivati mill-ispinta teknoloġika lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju), iżda tinkludi modernizzazzjoni ekoloġika tal-produzzjoni u l-konsum biex jiġu integrati l-għanijiet tat-tisħiħ tal-valur miżjud tal-intrapriżi u s-sostenibbiltà ambjentali, f’termini ta’ ffrankar tal-materjal, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fl-organizzazzjoni tal-ħidma, u anke r-relazzjoni stess bejn l-impjegati u l-intrapriża fit-titjib tal-produttività tal-fatturi kollha.

3.5

Tul dawn l-aħħar snin ħarġu fid-dieher il-limiti tal-kapaċità tad-dinja, kemm mil-lat tar-riżorsi naturali disponibbli biex tiġi indirizzata domanda dejjem ikbar, kif ukoll il-kapaċità tal-pjaneta li tassorbi l-iskart u t-tniġġis.

3.6

M’għandniex ninsew l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa: għadd dejjem jikber ta’ perjodi ta’ temp estrem, iż-żieda fil-livelli tal-ożonu u l-partikoli fl-atmosfera, u t-tossiċità li tirriżulta minn temperaturi ogħla u l-ħruġ mill-ġdid ta’ mard kontaġġuż li kien inqered fl-Ewropa.

3.7

It-trasformazzjoni tal-istruttura tal-enerġija u l-produzzjoni u t-trasport tal-ekonomiji żviluppati ewlenin, u ta’ parti kbira mill-ekonomiji emerġenti, f’dawn l-aħħar snin kienu ffokati fuq it-tranżizzjoni minn ekonomija b’użu kbir tal-karbonju għal ekonomija ġdida oħra b’użu baxx tal-karbonju fejn ħafna mill-enerġija ġġenerata tiġi minn sorsi nodfa rinnovabbli ta’ enerġija, jiġifieri minn sorsi li ma jiġġenerawx emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jew skart ieħor perikoluż.

3.8

Din it-trasformazzjoni profonda fil-produzzjoni, li xi wħud jirreferu għaliha bħala t-tielet rivoluzzjoni industrijali, mhux ser ikollha effett newtrali fuq il-kompetittività internazzjonali, l-iktar għal dawk il-pajjiżi, bħall-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE, li huma importaturi netti tal-enerġija u l-materja prima. Għaldaqstant, mill-2009 ’l hawn, ħafna gvernijiet tal-pajjiżi tal-OECD, bdew iniedu pjani ta’ stimulu ambizzjużi fejn l-investiment fl-infrastrutturi u fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI) ekoloġiċi kellu rwol fundamentali, bil-għan doppju li titħeġġeġ il-produzzjoni biex noħorġu malajr mir-riċessjoni attwali u biex niffaċċjaw, bil-pożizzjoni mexxejja, ir-ristrutturazzjoni produttiva attwali.

3.9

Madankollu, l-iżvilupp finanzjarju ta’ dawn il-pjani f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE, bħalma ġara fil-baġit tal-UE, kellhom jitrażżnu sew, fost raġunijiet oħra, minħabba l-politiki ta’ “awsterità fiskali”. Il-kap ekonomista tal-FMI rrikonoxxa li l-effetti kontradittorji ta’ dawn il-politiki fuq l-attivitajiet tal-produzzjoni kienu ħafna aktar mill-istimi li saru s’issa. Skont studju li sar fi 28 pajjiż, il-multiplikatur fiskali sa mill-kriżi li bdiet fl-2008 huwa bejn 0,8 u 1,7 (5).

3.10

Dan it-tnaqqis fl-impetus għall-ekonomija ekoloġika jista’ jiġġenera problemi kbar għal ħafna pajjiżi tal-UE, peress li bħalissa d-differenza fit-teknoloġija bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk emerġenti hija ħafna iżgħar u dinamika. L-Ewropa kollha m’għandha l-ebda garanzija li ser tkun minn ta’ quddiem fost il-pajjiżi żviluppati b’ekonomiji b’livell baxx tal-karbonju. Fuq perjodu fit-tul, dan jista’ jwassal għal tensjonijiet qawwija fl-UE, li jistgħu jixħtu dubju fuq il-kapaċità li tkompli tiżviluppa soċjetà iktar avvanzata ekonomikament, iktar koeżiva soċjalment u iktar sostenibbli mil-lat ambjentali. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-UE għandha pożizzjoni b’saħħitha mil-lat tat-teknoloġija u l-produzzjoni f’diversi setturi industrijali li għandhom orjentazzjoni ċara lejn il-ġejjieni.

3.11

L-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika, permezz tal-investimenti u l-inċentivi neċessarji, ser iżid il-possibbiltajiet li jinħolqu l-impjiegi fl-Ewropa. M’għandniex ninsew l-attivitajiet attwali tal-produzzjoni li bħalissa jikkostitwixxu l-bażi ekonomika tal-pajjiżi tal-UE. Ħafna mill-impjiegi fl-industriji li bħalissa huma meqjusa li jniġġsu ser isiru ekoloġiċi billi jużaw proċessi li jwasslu għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqsu l-konsum tal-materja prima u t-tniġġis. Pereżempju, fis-settur tat-trasport bit-triq insibu l-intrapriżi li jiżviluppaw u jipproduċu l-vetturi elettriċi u ibridi u dawk għat-trasport pubbliku; is-setturi tal-inġinerija ċivili li jibnu l-linji għall-ferroviji b’veloċità għolja, li jirriżulta f’iffrankar konsiderevoli tal-enerġija għal kull passiġġier meta mqabbel mat-trasport konvenzjonali tal-ajru u tal-ferrovija; is-setturi tal-bini għat-titjib fl-użu tal-enerġija tad-djar li jkunu ftit effiċjenti fil-konsum tal-enerġija. Dan għandu jsir f’qafas ta’ żvilupp u tisħiħ tad-djalogu u l-konsultazzjoni soċjali kif ukoll tan-negozjar kollettiv, b’tali mod li r-riżultat aħħari jkun pożittiv f’termini ta’ impjieg (fil-kwantità u l-kwalità) u l-ekwità (fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji). Madankollu, hemm biss tmien pajjiżi fl-UE li għandhom definizzjoni uffiċjali ta’ impjieg ekoloġiku. Dan iwassal għal kalkoli differenti bbażati fuq definizzjonijiet u metodoloġiji differenti.

4.   Il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili fi tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija ekoloġika, fejn l-innovazzjoni teknoloġika hija fattur deċiżiv tal-kompetittività tal-intrapriżi

4.1

Karatteristika totalment ġdida ta’ din it-tielet rivoluzzjoni industrijali hija l-livell ta’ żvilupp li ntlaħaq mill-isforzi tal-produzzjoni u s-sensibilizzazzjoni u l-pressjoni soċjali konsiderevoli fit-temi tas-sostenibbiltà u l-ambjent. Fl-Ewropa, l-iżvilupp qawwi tal-organizzazzjonijiet tal-ekoloġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet kummerċjali u korpi oħra tas-soċjetà ċivili huwa l-fattur li ser jippermetti l-bidliet futuri biex tiġi ġenerata ekonomija li hija għas-servizz ta’ żvilupp aktar maniġabbli, sostenibbli, soċjali u ambjentali, ħaġa mhux imaġinabbli fil-proċessi preċedenti, fejn il-bidliet teknoloġiċi u produttivi kienu determinati totalment mid-deċiżjonijiet tal-mikrointrapriżi.

4.2

L-ILO, fil-Patt Dinji għall-Impjieg approvat f’Ġunju 2009, stqarret b’mod espliċitu li d-djalogu soċjali huwa mekkaniżmu ta’ valur inkalkulabbli għat-tfassil tal-politiki adattati għall-prijoritajiet nazzjonali. Din hija bażi soda biex jissaħħaħ l-impenn ta’ min iħaddem u l-ħaddiema f’azzjoni konġunta mal-gvernijiet, ħaġa indispensabbli biex tingħeleb il-kriżi u biex jiġi avvanzat irkupru sostenibbli. Politika industrijali li tkun ġiet maqbula bejn l-imsieħba soċjali hija fundamentali biex jiġu kkoordinati l-isforzi fl-innovazzjoni teknoloġika u sabiex jitħeġġu l-bidliet fl-infrastrutturi tal-produzzjoni ta’ ħafna setturi Ewropej milquta mit-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea b’konsum baxx ta’ karbonju u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

4.3

L-innovazzjoni teknoloġika hija fundamentali għall-ekonomija ekoloġika. Għalhekk, dawk is-setturi, l-intrapriżi u t-teknoloġiji li jixprunaw l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija ser jingħataw appoġġ finanzjarju kbir, kemm pubbliku kif ukoll privat peress li ser isaħħu l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea. F’dan il-kuntest, id-Deutsche Bank, bil-għan li jiggwida l-investiment privat, identifika dawn is-setturi bħala prijoritajiet fit-tibdil tal-klima:

il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli;

l-infrastrutturi u s-sistemi ta’ ġestjoni tad-distribuzzjoni tal-enerġija;

fis-sistemi tat-trasport, il-bidla lejn it-trasport bil-ferroviji u bil-baħar, kif ukoll lejn il-karozzi ibridi fuq perjodu medju u l-bijokarburanti li ma jikkompetux mal-ikel għall-użu tal-art;

il-kimika ekoloġika u r-riċerka dwar materjal ġdid;

l-industriji bażiċi li jiffrankaw aktar l-enerġija, jiddependu inqas fuq l-estrazzjoni ta’ materja prima u li jużaw bl-aħjar mezz il-materjal ġdid li jniġġes inqas (inklużi l-industrija tal-azzar u l-produzzjoni tas-siment b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, eċċ);

l-attivitajiet tal-kostruzzjoni li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini u jtejbu l-kapaċità tiegħu li jipproduċi l-enerġija;

il-ġestjoni tal-iskart;

l-agrikoltura (fertilizzaturi u insettiċidji nodfa, fost oħrajn);

sistemi tal-purifikazzjoni u d-dekontaminazzjoni tal-ilma u t-tneħħija tal-melħ mill-ilma.

4.4

Għandhom jingħataw attenzjoni speċjali d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jiksbu biżżejjed fondi għall-investimenti neċessarji li jridu jwettqu fl-ekoinnovazzjoni.

4.5

Sabiex l-innovazzjoni tkun valur kompetittiv, il-mudell tal-organizzazzjoni tal-intrapriża għandu jqis prattiki li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-impjegati. L-ottimizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persunal fl-organizzazzjoni tax-xogħol u fl-ippjanar tal-intrapriża hija fattur li b’mod ċar jiżviluppa l-innovazzjoni u jippermetti li tinkiseb il-produttività. Din hija sfida biex tiġi modernizzata s-sistema tar-relazzjonijiet tax-xogħol u tan-negozjar kollettiv u r-rabtiet tagħhom mal-ġestjoni tal-intrapriża.

4.6

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi hija wieħed mill-elementi ewlenin li jikkontribwixxu għall-pożizzjoni ewlenija tal-Ewropa fit-teknoloġija f’ħafna setturi u li tgħinha żżomm il-kapaċità tagħha għall-esportazzjoni. Dan l-aspett m’għandux jitqies biss mill-perspettiva tar-ridistribuzzjoni tal-ġid maħluq, hekk kif fil-fatt huwa aspett deċiżiv tal-ħolqien tal-ġid, kif jirrikonoxxu l-intrapriżi stess (6). Fil-biċċa l-kbira, id-diffikultajiet tal-innovazzjoni huma prinċipalment relatati ma’ strutturi organizzattivi riġidi li jqisu lill-ħaddiem bħala sempliċiment għodda.

5.   L-ekonomija ekoloġika fil-politiki Ewropej

5.1

Fil-Konferenza Rio+20, l-UE ddefendiet ekonomija ekoloġika inklużiva li tippermetti l-progress li jwassal għall-iżvilupp sostenibbli. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tippromovi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, waqt li tqiegħed l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija fil-qalba tal-attivitajiet tagħha li jsegwu Rio+20. Il-gvernijiet għandhom jiżviluppaw id-djalogu soċjali biex jiżguraw l-involviment tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess.

5.2

Bħala għajnuna biex tiġi applikata l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni u l-Pjan Direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, fl-2012 il-Kummissjoni stabbilixxiet Pjattaforma Ewropea, li ser tippreżenta rapport intermedju fl-2013 u rapport finali fl-2014, dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Din il-Pjattaforma ser taħdem fuq proposti konkreti għal trażizzjoni lejn ekonomija ekoloġika f’dawn l-oqsma: “Kundizzjonijiet qafas għall-investiment fl-enerġija rinnovabbli” u “It-twaqqif ta’ għanijiet u l-kejl tal-progress”. Għalhekk għandha tiġi stabbilita sistema soda ta’ indikaturi lil hinn mill-PDG li tindika r-riżultati ta’ dawn il-politiki fis-setturi involuti u s-soċjetà kollha kemm hi (il-ksib tal-kompetittività, it-titjib tal-kundizzjonijit tax-xogħol tal-ħaddiema, il-persentaġġ tar-riċiklaġġ, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-użu tar-riżorsi, il-persentaġġ tal-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tat-tniġġis) u “L-Ekonomija cirkolari/l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija”.

5.3

Huwa ta’ importanza partikolari li nipproċedu bit-tassazzjoni ambjentali u bit-tnaqqis tas-sussidji għolja għall-karburanti fossili li jeżistu f’ħafna pajjiżi tal-UE, peress li l-prezzijiet ta’ ħafna prodotti u servizzi ma jindikawx korrettament l-ispejjeż globali tal-produzzjoni għax l-ispiża tat-tniġġis hija esternalizzata. Il-politiki tal-ekotikkettar volontarju wrew li ma kinux biżżejjed, l-iktar peress li fi kriżi bħal dik attwali, iktar u iktar konsumaturi qegħdin jagħtu importanza lill-prezz ta’ prodott u mhux il-kwalità ambjentali tiegħu. Sabiex politika ta’ tassazzjoni ekoloġika tilħaq grad għoli ta’ kunsens soċjali jridu jitqiesu l-effetti tagħha fuq il-kapaċità kompetittiva tal-intrapriżi u r-riperkussjonijiet soċjali tagħha fuq iċ-ċittadini, magħrufa bħala “tifqir tal-enerġija”, u jiġu żviluppati politiki komplementari (industrijali, kummerċjali u ta’ għajnuna għall-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati) li jtaffuha. Fl-istess ħin, għandhom jinħolqu inċentivi fiskali sabiex il-profitti korporattivi jerġgħu jiġu investiti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 (permezz tal-Fondi ta’ Investiment mill-Ġdid Kontra t-Tibdil fil-Klima) u impatti ambjentali negattivi oħra, dejjem sakemm il-ġestjoni tagħhom fl-intrapriżi ssir b’mod konġunt mill-ħaddiema.

5.4

Il-Kummissjoni approvat il-proposta tagħha għas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, li jistabbilixxi l-kontribut tal-politika ambjentali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom japprovaw dan il-Programm u l-KESE ħejja Opinjoni speċifika (7). Madankollu, ir-realtà tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-2014-2020 tippreżenta kontradizzjoni importanti: is-setturi ekonomiċi bl-ogħla emissjonijiet tas-CO2 (id-djar, l-enerġija, l-industrija u t-trasport) mhumiex dawk li jirċievu l-ikbar ammont ta’ fondi tal-UE.

5.5

B’rabta mal-politika kummerċjali tal-UE, għandu jitqies li, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni, iż-żieda tat-tassazzjoni fuq il-karbonju għandha twassal biex jiġu stabbiliti tariffi ekwivalenti għal dawk il-pajjiżi li ma jikkonformawx ma’ ftehimiet internazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Tariffa fuq il-karbonju hija restrizzjoni għall-kummerċ ħieles iżda dan diġà ġie aċċettat mill-komunità internazzjonali f’każijiet oħra. Il-Protokoll ta’ Montreal stabbilit sabiex jipproteġi s-saff tal-ożonu jirrikonoxxi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet kummerċjali biex jiġi żgurat l-infurzar, b’tali mod li l-kummerċ ħieles ma jkunx għan fih innifsu iżda mezz biex jinħoloq il-ġid b’mod sostenibbli. M’hemm l-ebda dubju li huwa iktar importanti li nevitaw diżastru globali ġġenerat mit-tibdil fil-klima milli nżommu s-swieq dinjija miftuħa bi prodotti b’livell għoli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Sommarju f’COM(2011) 21 final, Anness 1 u http://ec.europa.eu/clima/policies/package/index_en.htm

(2)  COM(2011) 21 final.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0112:FIN:MT:PDF

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0571:FIN:MT:PDF

(5)  Il-karta ta’ ħidma/13/1 tal-FMI. Growth Forecast Errors and Fiscal Multipliers (L-iżbalji previsti fit-tkabbir u l-multiplikaturi fiskali). Imħejjija minn Oliver Blanchard u Daniel Leigh. Jannar, 2013.

(6)  Il-proġett EPOC tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE”, ĠU C 161, 6.6.2013, p. 77-81.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-490 sessjoni plenarja tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013

19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”

COM(2012) 777 final/2

2013/C 271/04

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew

COM(2012) 777 final/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, 12-il vot kontra u 25 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta kontribut importanti għat-tnedija ta’ dibattitu dwar l-UE, ħaġa ferm neċessarja, u pass ’il quddiem konsiderevoli fir-rigward tal-metodi u l-kontenut li rajna fil-passat fil-qasam tal-UEM. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, tagħti indikazzjoni dwar ir-rwol internazzjonali u l-futur politiku tal-Unjoni. Għalhekk, il-KESE jilqa’ din il-proposta b’mod pożittiv. Dan jista’ jkun żvilupp storiku, sakemm il-Kunsill wara stennija ta’ 20 sena jsib il-kuraġġ u r-rieda biex jadotta u jdaħħal fis-seħħ il-dispożizzjonijet utli biex jinkisbu l-għanijiet indikati u jiġu implimentati malajr.

1.2

Fil-fatt, bid-deċiżjonijiet li ttieħdu matul l-2011 u l-2012, il-Kunsill Ewropew nieda riforma importanti u koordinata tal-governanza Ewropea fil-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, it-tisħiħ tar-regoli baġitarji u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Il-miżuri mhux konvenzjonali ta’ akkwist mingħajr limitu imma kundizzjonat ta’ ishma pubbliċi ta’ pajjiżi f’diffikultà, li ġew deċiżi dan l-aħħar mill-BĊE, it-twaqqif tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, intiż biex jiżgura superviżjoni prudenzjali rigoruża u imparzjali u biex titneħħa r-rabta bejn l-Istati u l-banek u r-regoli għal-likwidazzjoni tal-banek huma strumenti meħtieġa għall-garanzija tal-istabbiltà tal-UEM.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-istrateġija ppreżentata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u li dal-aħħar ġiet ikkonfermata mill-President tal-Kunsill Ewropew Van Rompuy (Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina), għat-tisħiħ taż-żona tal-euro, iżda madankollu jqis li dan mhuwiex biżżejjed biex l-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-benefiċċji tal-UEM, kif urew il-fatti ta’ dawn l-aħħar għaxar snin. Hemm responsabbiltajiet politiki tal-Kunsill, li ngħataw mit-Trattat ta’ Maastricht li jillimitaw sew l-UEM li nibtet minnu. Għalhekk il-Kummissjoni issa ressqet pjan ta’ azzjoni għal UEM profonda u ġenwina.

1.4

Sabiex l-UEM tingħata iktar stabbiltà u sabiex jiġi żgurat it-tkabbir tal-ekonomija u l-impjieg il-pajjiżi taż-żona tal-euro, fil-perjodu immedjat, mhux dak medju/fit-tul, jeħtieġu miżuri iktar ambizzjużi, bħal pjan għat-tkabbir u mekkaniżmi ta’ integrazzjoni ekonomika iktar b’saħħithom, li l-Kunsill għandu jsarrafhom f’azzjoni. Għalhekk hemm bżonn taħlita ta’ politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, impenn konsistenti, sens ta’ solidarjetà, ta’ fiduċja u ta’ responsabbiltà għall-Istati Membri u bejniethom u l-UE, mingħajr ma ninsew li l-għan ewlieni tal-miżuri inkwistjoni għandu jkun il-ġid għal kulħadd.

1.5

Filwaqt li jesprimi l-apprezzament għal din il-Komunikazzjoni, il-KESE jenfasizza li anke fil-każ fejn kollox isir operattiv, diffiċli li jkun hemm impatt sostanzjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, għax għad m’hemmx proposta konkreta dwar l-unjoni politika biex l-euro jkollha bażi proprja. L-istess jgħodd għad-dejn, it-tegħlib tax-xokkijiet asimetriċi, it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg (li għalih irid jiġi previst studju ta’ impatt b’mod sistematiku). Dawn ilkoll huma limitazzjonijiet fis-sitwazzjoni attwali.

1.6

Il-KESE jfakkar li fil-biċċa l-kbira tal-proposti attwali tal-KE, kif ġie nnotat, diġà tħejjew rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet mill-Kumitat, b’mod partikolari dawk relatati mal-limitazzjonijiet tal-UEM, tal-BĊE u l-kwistjoni tat-tkabbir u d-dejn sovran (1). L-avvanzi li saru mill-Kummissjoni u l-Kunsill sal-lum iservu bħala bażi tajba biex tkompli għaddejja l-ħidma f’dan il-qasam. Għalhekk, il-KESE jqis b’mod pożittiv li l-KE ddeċidiet tagħti indikazzjonijiet futuri dwar dawn il-kwistjonijiet u jittama li din tkun okkażjoni tajba biex jittieħdu miżuri konkreti għad-dejn u t-tkabbir biex b’hekk ikun hemm qabża vera u ġenwina fil-kwalità.

1.7

Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjonijiet li l-UE ħadet dan l-aħħar, imsemmija fil-Komunikazzjoni, jindirizzaw, għad li parzjalment, il-qafas makroekonomiku, il-proposti fil-livell mikroekonomiku jidhru li huma insuffiċjenti għas-setturi produttivi, li huma l-uniċi setturi kapaċi jniedu t-tkabbir mill-ġdid. Id-dokument tal-Kummissjoni jipprova jiftaħ dibattitu dwar l-UEM, tema li tmur ħafna lil hinn mill-konsolidazzjoni tal-baġits u l-politiki makroekonomiċi. Hemm bżonn ukoll politiki mikroekonomiċi bħal, pereżempju, patt ġenwin għall-industrija (industrial compact).

1.8

Barra minn hekk, il-Proposta tal-Kummissjoni tkun tista’ tiġi aċċettata b’mod iktar mifrux jekk fid-diversi fażijiet stabbiliti għat-tnedija tal-miżuri meħtieġa biex l-UEM issir iktar stabbli u effettiva ssir referenza iktar ċara għall-bżonn li jiġu segwiti politiki Ewropej konformi ma’ dan il-għan, b’definizzjoni tal-oqsma għall-azzjoni u l-elementi l-ġodda li jridu jiddaħħlu biex l-infiq fil-livell Ewropew isir iktar razzjonalizzat u effikaċi.

1.9

Il-Kummissjoni tista’ u għandha tikkontribwixxi għat-twettiq tar-riformi indispensabbli biex tiżdied il-kompetittività tas-sistemi nazzjonali tal-produzzjoni u l-amministrazzjoni bl-adozzjoni ta’ metodoloġiji u kriterji innovattivi ta’ azzjoni relatati mas-suq uniku, il-ġestjoni tal-fondi strutturali u l-politiki komuni prinċipali. Barra minn hekk, għandha tieħu spunt mill-innovazzjonijiet li introduċa l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tipproponi emendi daqstant sostanzjali, bħalma l-KESE saħaq diversi drabi, għat-twettiq tal-politiki Ewropej li jolqtu l-iktar iż-żoni, ir-reġjuni u s-setturi l-iżjed vulnerabbli tal-UE.

1.10

Fir-rigward tal-BĊE għandha tingħata attenzjoni lill-kompożizzjoni tiegħu favur it-tkabbir u l-impjieg u bħala sellief tal-aħħar istanza. L-intenzjoni tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jimxu f’din id-direzzjoni tikkontribwixxi biex tiġi kkonsolidata l-fiduċja fil-BĊE u l-euro u bħala detterent ġenwin għall-attakki spekulattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi b’diffikultajiet baġitarji kbar.

1.11

L-istabbiltà tal-euro ma tistax titħalla biss f’idejn il-BĊE u l-politika monetarja komuni, b’awtonomija sħiħa għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki fiskali u baġitarji tagħhom. Il-KESE jqis li l-unjoni fiskali, fil-kuntest ta’ baġit uniku taż-żona tal-euro, ma tistax, kif tgħid il-Komunikazzjoni, tiġi posposta fit-tul imma, flimkien mal-munita unika u l-viġilanza unika bankarja, għandha ssir il-pilastru l-ieħor li fuqu tistrieħ il-kostruzzjoni tal-istabbiltà tal-UEM fil-perjodu qasir u medju, biex b’hekk is-swieq jiġu żgurati dwar il-koerenza tal-proġett Ewropew.

1.12

Fir-rigward tal-proposti istituzzjonali, il-KE qed tagħmel sforz konsiderevoli. Il-KESE jqis li tkun ħaġa utli li fl-aħħar nett titpoġġa fuq l-aġenda l-kwistjoni istituzzjonali, peress li tirfed il-proposti innovattivi tal-Kummissjoni, inkluża l-unjoni politika. Din hija proposta kompletament ġdida. Fl-istess ħin iqis li dawn il-proposti jieħdu l-istess approċċ bħall-qafas attwali bi ftit bidliet, bi progress ferm limitat, u għalhekk ma jsolvu xejn, sakemm il-Kunsill ma jmurx lil hinn minnhom u jqishom bħala xprun biex tittieħed azzjoni.

1.13

Jista’ jkun li dawn ifissru stadju addizzjonali, imma l-KESE, li għandu jkun parti integrali minn dan il-proċess, abbażi ta’ dak li diġà ġie propost u approvat, iqis li m’għadux iż-żmien ta’ passi parzjali, fi kwalunkwe kwistjoni, imma huwa iktar żmien għal qabża fil-kwalità, kemm fil-kontenut tal-politiki kif ukoll fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex dawn jitwettqu, mingħajr skużi oħra, biex wara ma nerġgħux ngħidu li hemm bżonn politiki “ġenwini”, UEM “ġenwina”, unjoni politika “ġenwina”, eċċ. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni b’mod iktar determinat u mgħaġġel, issa, minn naħa biex tiġi interrotta r-reċessjoni, li laqtet parti kbira mill-UE, u min-naħa l-oħra biex jiġu indirizzati l-lakuni li ilhom hemm u li l-kriżi finanzjarja internazzjonali ġiegħlithom biss jesplodu.

1.14

Il-KESE jitlob li l-Kunsill, fuq spunt tal-proposti tal-Kummissjoni, jaġixxi b’iżjed kuraġġ u ċarezza fir-rigward tar-rispett tal-ftehimiet milħuqa u r-responsabbiltajiet biex jitressqu l-proposti li għandhom jiġu approvati u implimentati, b’mod partikolari, b’appoġġ għall-estensjoni tal-vot b’maġġoranza f’kull qasam, ibda biex il-politiki tal-ekonomija u l-impjieg, fil-kuntest ta’ bidla fit-Trattat.

1.15

Il-proposti tal-KESE fil-qosor

1.15.1

Għalhekk, sabiex titwettaq UEM ġenwina, il-KESE jqis li minnufih (mingħajr ma jiġi modifikat it-Trattat) hemm bżonn:

li titnieda inizjattiva Ewropea għat-tkabbir peress li bl-awsterità biss ma jista’ jiġi sodisfatt l-ebda kriterju stabbilit mill-Unjoni;

li jiġi ffaċilitat it-tegħlib tal-asimetriji ekonomiċi bejn il-pajjiżi, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ konverġenza solidali; tista’ tittieħed azzjoni b’miżuri mmirati lejn il-livell mikroekonomiku favur il-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi, biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ (pereżempju kontribut mill-UE għal kull żagħżugħ jew żagħżugħa milqut/a), biex b’hekk isir intervent b’kondizjonalità pożittiva;

li tinstab soluzzjoni għall-problema tad-dejn, kif titlob il-Kummissjoni stess u anke l-KESE, biex jiġu ffaċċjati l-problemi tal-pajjiżi kollha li adottaw jew ser jadottaw l-euro;

li l-unjoni bankarja u s-superviżjoni Ewropea jiġu implimentati malajr;

li s-suq uniku jiġi kkompletat fis-setturi kollha (taxxa, finanzi, banek, enerġija, servizzi riċerka u innovazzjoni, eċċ.);

li titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq tal-kreditu b’mod li fl-istess kundizzjonijiet l-ispiża tal-kreditu tkun l-istess fl-Istati Membri kollha.

1.15.2

Fuq perjodu medju u/jew twil, b’tibdiliet eventwali għat-Trattat, jeħtieġ:

li tinħoloq governanza ekonomika ġenwina tal-UE flimkien ma’ dik monetarja, finanzjarja u fiskali, biex tingħata wkoll koerenza ikbar bejn il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali;

li jiġi kkompletat il-mandat tal-BĊE;

li jissaħħaħ il-metodu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-istrutturi f’entità unika biex l-euro tingħata governanza, li s-sistema attwali tiġi kkompletata u titwettaq unjoni fiskali, l-ewwel nett bil-ħolqien ta’ baġit komuni taż-żona tal-euro, fejn jiġi previst mekkaniżmu ta’ solidarjetà biex jitnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi;

li jitwettaq patt soċjali għal unjoni soċjali bl-involviment tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata;

li tinħoloq unjoni politika, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, biex ikun hemm ukoll leħen wieħed għall-euro u biex jitwettaq proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet iktar demokratiku u trasparenti. Għalhekk jista’ jkun opportun li l-PE li jmiss, flimkien mal-Kunsill, jingħata poteri kostitwenti;

li jingħata rwol iktar rappreżentattiv lill-Unjoni fil-korpi internazzjonali.

2.   Kummenti ġenerali: punti ewlenin

2.1

Il-Kumitat jinsab konxju li qed nitħadtu fuq kwistjoni mill-iktar kumplikati ta’ dan iż-żmien. L-Ewropa dieħla f’fażi ġdida ta’ integrazzjoni iktar stretta u dan ifisser għadd ta’ passi kuraġġjużi. Il-KESE jilqa’ ħafna t-tnedija ta’ dibattitu dwar il-futur tal-UEM bħala pass inizjali f’din id-direzzjoni u jinnota li r-realtà makroekonomika fl-UEM hija riżultat tad-deċiżjonijijet mikroekonomiċi. Il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomi għalhekk għandhom ikunu allinjati fid-direzzjoni biex jinksibu l-istess għanijiet ġenerali.

2.2

L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, supplementat mill-Artikolu 151 u l-Artikolu 153, fis-sustanza jistabbilixxi li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-promozzjoni ta’ livell ta’ impjieg ogħla, tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u tal-ġlieda kontra l-esklużjoni. Il-Kumitat jinnota b’sorpriża li l-ebda wieħed minn dawn il-parametri ma jitqies f’din il-Komunikazzjoni bħala parti mill-għan ta’ “Unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina”. Barra mill-fatt li l-KESE jitlob li ssir referenza ċara għal dawn l-għanijiet, huwa jqis li hemm bżonn li ssir iktar superviżjoni (valutazzjoni tal-impatt) tal-effetti tal-politiki ekonomiċi u monetarji fuq is-sitwazzjonijiet soċjali u s-suq tax-xogħol u jqis li tkun ħaġa tajba li jitħejjew miżuri biex jiġu eliminati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi li jistgħu jinħolqu minħabba dawn il-politiki.

2.3

L-ebda waħda mill-proposti li ressqet il-Kummissjoni għal UEM iktar stabbli u kredibbli ma tista’ tiġi implimentata effettivament (la fil-perjodu l-qasir u lanqas dak medju/fit-tul) jekk l-Istati Membri tal-UEM, u b’mod partikolari l-pajjiżi l-iktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, ma jerġgħux fit-triq tat-tkabbir u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi tal-impjieg, tal-qgħad, li qed jiżdied sew fost iż-żgħażagħ, u d-diverġenzi persistenti bejn l-Istati Membri. Iżda fl-istess ħin ma jista’ jsir xejn jekk il-Kunsill u l-Grupp tal-euro ma jilqgħux is-suġġerimenti tal-KE biex javvanzaw ir-riformi neċessarji biex tiġi kkompletata l-UEM, li ilhom mistennija għal 20 sena, u jekk l-Istati Membri ma jiħdux impenn serju f’din id-direzzjoni biex flimkien jiġġestixxu parti mis-sovranità tagħhom, ħaġa meħtieġa biex jinkiseb dan il-għan.

2.4

Il-preokkupazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni għadha li tiżgura l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri u strumenti konġunti għat-tisħiħ tal-konverġenza tal-politiki baġitarji u tas-sistemi ta’ sorveljanza. Dan għandu jservi biex jittaffew id-diffikultajiet li għandhom il-pajjiżi l-iktar midjuna biex jiffinanzjaw id-dejn pubbliku u biex jiġu rispettati l-pjani rigorużi għat-tnaqqis tad-dejn u s-sostenibbiltà proposti mill-Kummissjoni u li dal-aħħar ġew approvati mill-Istati Membri (Patt Fiskali). Iżda biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini u s-swieq, il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali għandhom jimxu b’mod loġiku komuni Ewropew u jipproduċu impatti konkreti u pożittivi għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm iktar koerenza bejn il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi (iż-żgħażagħ, is-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, eċċ.) li għandhom jitwettqu fil-livell nazzjonali.

2.5

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro bdew il-ħames sena ta’ tkabbir b’rata negattiva u l-previżjoni għas-snin li ġejjin jindikaw titjib ferm limitat fil-makrovarjanti prinċipali. Il-proposti mressqa mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-UEM, biex ikunu kredibbli u jsiru parti minn dibattitu li jikseb kunsens wiesa’ dwar il-futur tal-UEM, li ma jinkludix biss l-esperti, imma s-soċjetà ċivili Ewropea kollha kemm hi, għandhom ikunu akkumpanjati minn osservazzjonijiet u/jew miżuri oħrajn.

2.6

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro, fir-rigward tal-impenji assunti mal-UE, huma mitluba li anki fis-snin li ġejjin isegwu politiki baġitarji rigorużi li qabel kollox jistgħu jiġu żgurati permezz ta’ riformi finalizzati bir-razzjonalizzazzjoni tal-istruttura tal-baġits nazzjonali, sew mil-lat tal-infiq, sew mil-lat tad-dħul pubbliku, filwaqt li titqies il-ġustizzja distributtiva u l-impatt tal-multiplikaturi fiskali. Għalhekk, il-qligħ mill-effiċjenza għandu jiġi rkuprat b’impatt newtrali fuq il-baġits u mingħajr ma jiġu kompromessi s-setturi ta’ nfiq meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri soċjali, fosthom is-saħħa, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-infrastruttura (2).

2.7

Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet fil-livell Ewropew, meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-irkupru fl-investimenti, bħal pereżempju: it-titjib fil-funzjonament tas-swieq tax-xogħol nazzjonali biex jiġu integrati fiż-żona tal-euro anki permezz tad-djalogu makroekonomiku (3); il-mutwalizzazzjoni parzjali tad-dejn pubbliku biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni; il-ħruġ ta’ bonds Ewropej mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment biex jiġi ffinanzjat it-tkabbir u biex jinkisbu bilanċi pożittivi globali (4) f’dak li jirrigwarda t-tfaddil; il-possibbiltà li jiġu esklużi għadd ta’ investimenti strutturali mid-dejn pubbliku, ħaġa neċessarja biex jitnieda ċiklu virtwuż ta’ tkabbir; u fl-aħħar nett, attenzjoni ikbar għall-politika industrijali kemm min-naħa tal-gvernijiet nazzjonali kif ukoll min-naħa tal-persuni responsabbli għad-deċiżjonijiet politiki fil-livell Ewropew.

2.8

Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki taqa’ f’idejn il-gvernijiet tal-Istati Membri imma l-Kummissjoni, fl-ambitu tal-prerogattivi istituzzjonali tagħha u r-riżorsi baġitarji tal-UE li tiġġestixxi, għandha tiżgura l-implimentazzjoni u b’hekk tikkontribwixi biex jiġu limitati l-iżbilanċi u d-differenzi territorjali li għadhom jippersistu.

2.9

Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-aspetti storiċi tal-UEM ma tindirizzax il-limiti ekonomiċi u politiċi veri li kienu preżenti meta daħlet fis-seħħ l-euro u li huma l-kawża ewlenija tal-kriżi li għaddew minnha l-euro u l-UE. Ħaġa stramba wkoll hi li f’analiżi dwar l-UEM m’hemmx referenza u valutazzjoni dwar il-kriterji ta’ Maastricht, dwar l-uniċità tal-politika monetarja, u lanqas dwar l-asimetriji ekonomiċi bejn il-pajjiżi. Barra minn hekk ma tidhirx sostenibbli l-idea li l-kriżi tal-2008 tingħata t-tort waħidha mingħajr ma jingħata tort lid-dgħufija politika tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali, b’mod partikolari meta jitqies li mill-bidu nett tal-UEM l-Istati Membri rrifjutaw sistematikament li jniedu dibattitu dwar il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u baġitarji.

2.10

Waħda mill-ħtiġiet urġenti hi li tiġi implimentata unjoni ekonomika u governanza ekonomika tal-UE (flimkien jew qabel l-unjoni bankarja eċċ.), u l-Komunikazzjoni tal-UE twitti t-triq għal dan.

3.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut tal-proposti: punti ta’ saħħa u ta’ dgħufija

3.1

Fil- perjodu l-qasir jitqiesu u jiġu deskritti seba’ proposti li uħud minnhom diġà ġew notati għax jirreferu għall-miżuri approvati dal-aħħar mill-UE, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-leġislazzjoni marbuta mas-six-pack u t-two-pack, is-superviżjoni tal-banek fdata lill-BĊE. Dawn huma kollha passi importanti li għandhom jingħataw attenzjoni sħiħa skont il-leġislazzjoni Ewropea rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi approvati mill-Kunsill. Hemm ukoll xi proposti mressqa mill-Kummissjoni li l-KESE jqis li huma iżjed interessanti, bħal dawn li ġejjin:

3.1.1

L-ewwel waħda hija l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu superviżorju uniku u mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku biex jissolvew il-problemi tal-banek f’diffikultà. L-iktar aspett innovattiv hawnhekk huwa li l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni jiġu koperti mill-azzjonisti u l-kredituri; “Kwalunkwe riżorsa addizzjonali meħtieġa għall-finanzjament tal-proċess tar-ristrutturar” għandha tiġi pprovduta mis-settur bankarju stess u mhux iktar mill-kontribwent (5).

3.1.2

It-tieni waħda hija l-introduzzjoni ta’ “strument għall-konverġenza u l-kompetittività” bħala appoġġ għat-twettiq tar-riformi strutturali fil-pajjiżi fiż-żona tal-euro. Il-Proposta hija ferm dettaljata (Anness 1 tal-Komunikazzjoni) fid-deskrizzjoni tat-triq prevista għal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet li jwasslu għal dan l-istrument. Għad irid jiġi determinat il-livell ta’ parteċipazzjoni u d-dimensjoni tal-appoġġ finanzjarju, li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-Istati Membri, fost l-elementi deċiżivi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-istrumenti, anki jekk il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tressaq proposta iktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni (p. 25 tal-Komunikazzjoni). Fuq rakkomandazzjoni tal-KESE, dan l-istrument għandu jippreċedi, jew tal-inqas jakkumpanja, ir-riformi strutturali, biex jittaffa l-impatt negattiv. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li l-istrument għall-konverġenza u l-kompetittività jista’ jkun effettiv biss jekk, pass wara pass, jintuża b’koordinazzjoni mal-azzjonijiet u miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali.

3.1.3

Barra minn hekk, il-proposta dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tidher li tista’ tiqies bħala kastig għal dawk li ma jirrispettawx il-patt bejn l-Istati Membri u l-KE, minflok bħala inċentiv għall-implimentazzjoni tal-politiki definiti fil-livell Ewropew. Il-kundizzjonijiet makroekonomiċi rigorużi mitluba mill-Istati Membri għandhom ikunu akkumpanjati minn pjan għat-tkabbir u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda għall-impjieg, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, imħejjija bil-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u ċivili.

3.1.4

L-iktar rwol ċar tal-UE u tal-euro fil-governanza tal-korpi monetarji internazzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rappreżentanza esterna tal-euro u wieħed mill-iktar aspetti importanti proposti mill-Kummissjoni, u anki minn ħafna Opinjonijiet tal-KESE, huwa li tingħata saħħa deċiżjonali ikbar lill-UE u lill-munita unika fil-governanza monetarja internazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ma tispjegax id-diffikultajiet ta’ din il-proposta, kemm ġewwa kif ukoll barra miż-żona tal-euro, meta jitqies l-atteġġament, żgur mhux favorevoli, tal-amministrazzjoni Amerikana (u Ingliża) fil-konfront ta’ żieda fis-saħħa tal-euro (u d-dgħufija korrispondenti tad-dollaru) u d-differenzi li għad hemm bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro fid-difiża tal-interessi ekonomiċi u politiċi speċifiċi f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed jirċievu għajnuna mill-IMF.

3.2

Fil- perjodu l-medju , il-proposti jirrigwardaw l-iktar it-twaqqif ta’ Fond ta’ Ammortament (FA), appoġġjat minn elementi restrittivi ta’ kondizzjonalità biex jiġi limitat ir-riskju morali, u l-ħolqien ta’ strument ġdid ta’ dejn sovran għaż-żona tal-euro (Eurobills) – proposti li ilhom li tressqu fid-dibattitu dwar l-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-Istati Membri. Anki l-KESE enfasizza iktar minn darba fl-Opinjonijiet tiegħu li hemm bżonn li nirrikorru għall-bonds tal-Unjoni biex id-dejn jiġi mutwalizzat parzjalment (bond tal-Unjoni) bħala strument addizzjonali kemm biex fiż-żona tal-euro jiġi ffaċilitat il-finanzjament tad-dejn sovran mill-pajjiżi li għandhom l-ikbar dejn, kif ukoll biex jitnaqqsu l-ispejjeż biex jinfeda d-dejn (6).

3.2.1

Għalhekk, il-KESE kien jippreferi li l-Kummissjoni tippreżenta proposta u/jew li tagħmel referenza għall-proposti mressqa qabel mill-KESE stess, jew mill-ministri tal-ekonomija tal-UE, eċċ, anki jekk jirrikonoxxi l-merti tal-proposta tal-Kunsill Ġermaniż tal-esperti ekonomiċi, inkluża fid-dokument tal-Kummissjoni.

3.2.2

Madankollu, l-enfasi li saret fuq l-FA ma tqisx li l-biċċa l-kbira tas-suċċess tal-politika tad-dħul mill-ġdid tad-dejn sovran, f’dan il-kuntest, tiddependi mhux biss mit-tnaqqis tal-infiq pubbliku imma l-iktar miż-żieda fid-dħul. Din hija t-triq li għandna nieħdu, u għal perjodu ta’ żmien itwal minn dak previst fil-perjodu l-medju, biex ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PDG terġa’ tiġi taħt il-livell meħtieġ mill-kriterji ta’ Maastricht. Forsi l-aħjar proposta għadha dik li jiddaħħlu bonds tal-Unjoni Ewropea kif diġà spjega l-Kumitat (7). Iżda ovvjament il-problema mhijiex l-istrument tekniku li għandu jintuża, imma iktar is-soluzzjoni.

3.2.3

Barra minn hekk, il-proposta kollha kemm hi timxi skont il-loġika tal-patt ta’ stabbiltà fir-rigward tat-talbiet li saru lill-Istati Membri, mingħajr l-ebda innovazzjoni li tindika tibdil f’dawn il-politiki, li ma jistgħux jibqgħu sejrin fl-istess direzzjoni.

3.3

Fuq perjodu ta’ żmien twil , il-parti li hija l-inqas żviluppata fid-dokument tal-Kummissjoni hija dik li tipprevedi l-evoluzzjoni tal-UEM lejn l-ikkompletar tal-unjoni bankarja u l-unjoni fiskali u ekonomika. M’hemmx dubju li l-KESE jaqbel ma’ dawn l-għanijiet, sakemm jiġu definiti l-modi neċessarji ta’ kif ser jitwettqu. Il-KESE jaqbel li għandha ssir integrazzjoni sħiħa tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, l-iktar fil-qasam tat-taxxi u l-ekonomija, u li għandu jkun hemm baġit wieħed tal-UE b’riżorsi finanzjarji proprji u b’kapaċità li ta’ intaxxar awtonomu.

3.3.1

Fir-rigward tal-aspetti istituzzjonali, il-Komunikazzjoni tieqaf sad-deskrizzjoni, billi tindika kif ser ikun possibbli li tinħoloq unjoni ekonomika u monetarja msaħħa fl-istruttura legali tagħha u fil-governanza tal-politiki ekonomiċi prinċipali, filwaqt li ma jintmissux il-kundizzjonijiet makroekonomiċi u mikroekonomiċi li għandhom jiżguraw il-fattibbiltà tal-proposti fit-tul.

3.3.2

Il-KESE jqis li dan l-għan daqshekk ambizzjuż jista’ jikseb suċċess f’każ ta’ kooperazzjoni msaħħa li jkollha l-għan li timxi lejn unjoni politika. Dan huwa proċess li jista’ jseħħ jekk fil-kuntest makroekonomiku internazzjonali jinkisbu r-riformi li s’issa saru parzjalment, li huma parti integrali mir-regolamenti għall-funzjonament tas-swieq tal-kreditu u dawk finanzjarji, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ makroprudenzjali u mikroprudenzjali, it-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi (l-ewwel nett id-defiċits tal-Istati Uniti u l-bilanċ pożittiv taċ-Ċina) li wasslu għall-kriżi finanzjarja. Mingħajr progress sinifikanti f’din id-direzzjoni ser ikun diffiċli li jiġi evitat il-ħolqien mill-ġdid ta’ kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra.

4.   Unjoni politika

4.1   Prinċipji ġenerali

4.1.1

Madankollu, il-KESE jilqa’ t-tentattiv tal-KE li tiffaċċja d-defiċit demokratiku attwali fl-UE, l-istess bħall-kunsiderazzjoni li l-problema ewlenija hija dik tat-trasferiment tas-sovranità. Għalhekk għandu jitnieda proċess għal unjoni politika li tgħaqqad u tiġġestixxi b’mod komuni wħud mill-politiki “sovrani” li baqgħu nazzjonali, permezz ta’ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet iktar trasparenti u demokratiku, biex jingħata leħen wieħed u governanza Ewropea tal-euro, il-pilastru l-ieħor tal-UEM li għadu nieqes.

4.1.2

F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi:

li fil-perjodu l-qasir m’hemmx bżonn tibdil fit-Trattat, kif il-KESE spjega biżżejjed fil-proposti tiegħu; għalhekk ikun aħjar li l-isforz jiffoka fuq il-proposti fit-tul;

li huwa minnu li l-problema hija iktar serja għaż-żona tal-euro. F’dan il-kuntest, bl-ebda mod m’huwa adatt li nkomplu nitkellmu fuq “koordinazzjoni” tal-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, iżda pjuttost fuq politiki ekonomiċi komuni kif qed isir għall-unjoni bankarja u għas-sorveljanza komuni fil-livell Ewropew, għall-politika monetarja, eċċ.

4.1.3

Għalhekk mhijiex kwistjoni tad-diffikultajiet tal-involviment tal-PE, imma iktar tal-ħolqien ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet komuni bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u b’hekk tal-involviment korrispondenti tal-PE. Dak li ma jistax jiġi aċċettat iktar hu li jinżammu politiki ekonomiċi u industrijali indipendenti għal kull pajjiż u politika monetarja komuni li tippenalizza l-ekonomiji tal-iktar pajjiżi dgħajfa, fin-nuqqas ta’ strumenti ta’ kumpens.

4.2   Nottimizzaw ir-responsabbiltà

4.2.1

Il-KESE jilqa’ l-involviment tal-PE fid-diskussjonijiet dwar il-proposti relatati mat-tkabbir, kif ukoll l-involviment korrispondenti tal-parlamenti nazzjonali. L-istess għandu jsir għall-programmi ta’ aġġustament, mingħajr ma jiġu limitati għal sempliċi “informazzjoni”. Madankollu, għadna fl-ambitu tal-bidliet formali, ’il bogħod minn dak li għandu jsir fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE.

4.2.2

Għall-kuntrarju, jidhru innovattivi l-proposti dwar il-partiti politiċi li jridu jsarrfu kliemhom li jgħidu li huma Ewropej u jkunu verament Ewropej, u b’hekk jaġixxu bħala struttura Ewropea unika u mhux bħala somma ta’ għadd ta’ speċifiċitajiet nazzjonali, b’konformità ma’ dak li jagħmlu l-Istati Membri individwali jew assoċjazzjonijiet oħra (trejdjunjins, min iħaddem...).

4.2.3

Tkun ħaġa tajba li mhux biss il-partiti, kif tipproponi l-KE, imma anke l-organizzazzjonijiet oħra kbar Ewropej (pereżempju t-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, eċċ.) tal-inqas fiż-żona tal-euro jorganizzaw lilhom infushom u jaġixxu għall-elezzjonijiet tal-2014. Dan ikun pass importanti ’il quddiem, għad li jkun wieħed insuffiċjenti. Imma jkun eżempju tajjeb għal kulħadd.

4.2.4

Fl-okkażjoni tal-elezzjonijiet, jeħtieġ li l-PE jingħata poter kostitwenti li (flimkien mal-Kunsill) fi żmien stabbilit minn qabel jindika l-proċess ta’ bidla lejn unjoni politika, ħaġa li testendi l-votazzjoni b’maġġoranza għall-materji kollha u d-dritt tal-vot tal-Parlament Ewropew anke dwar it-tkabbir u l-impjieg.

4.3   Il-kwistjonijiet li jinħolqu jekk jinbidel it-Trattat

4.3.1

Il-KESE jqis bħala ħaġa pożittiva li l-politiki ekonomiċi jingħaqdu ma’ dawk dwar l-impjieg, żewġ naħat tal-istess munita, għad li din hija problema ekonomika mhux legali. Iżda hemm bżonn proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kontenut tal-politiki ekonomiċi li jiġbor flimkien l-Istrateġija Ewropa 2020, il-koordinazzjoni tal-baġits nazzjonali, il-politiki makroekonomiċi u mikroekonomiċi, is-suq tax-xogħol taż-żona tal-euro, eċċ, biex jittieħdu passi lil hinn mis-sistema attwali għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Ma nistgħux nassumu li biex tinbidel l-UEM ser ikun biżżejjed li l-PE jaħtar kummissjoni apposta.

4.3.2

Barra minn hekk, jidher ftit li xejn ċar li naħsbu, li billi l-viċi president għall-politiki ekonomiċi ngħata poter ta’ koordinazzjoni fl-UEM, għad li f’kollaborazzjoni mal-PE, is-sitwazzjoni attwali tista’ tmur għall-aħjar. F’dan il-każ jista’ jkun biżżejjed li nieħdu eżempju mill-politika barranija; għal dan ikun hemm bżonn li jingħata poter ġenwin lill-Kummissarju possibbilment lil ministru.

4.3.3

Kwistjoni daqshekk importanti ma tistax tiġi indirizzata b’bidliet legali u parlamentari formali, jekk qabel ma jkunx ġie deċiż trasferiment tas-sovranità fir-rigward tal-politiki ekonomiċi, monetarji u tal-impjieg, mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew, kif ippropona l-KESE kemm-il darba. Għandha tinħoloq governanza ekonomika taż-żona tal-euro, ġestita mill-Grupp tal-euro b’poter tat-teħid tad-deċiżjonijiet u vot b’maġġoranza, flimkien mal-PE, bl-emendi opportuni tat-Trattat, li għandhom isiru minnufih, bl-istess urġenza li biha tnieda l-patt baġitarju, l-unjoni bankarja, eċċ. li jwassal biex jitwettaq suq uniku għall-politiki ekonomiċi u industrijali, it-tkabbir u l-impjieg, b’viżjoni komuni u deċiżjonijiet solidali bejn il-pajjiżi, f’interess iċ-ċittadini tal-UE.

4.4   Rappreżentanza esterna tal-UE

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-kontenut tal-proposti dwar ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro. Dan huwa punt fokali tal-komunikazzjoni fid-dawl tar-riperkussjonijiet internazzjonali tal-kriżi u r-relazzjoni bejn il-muniti. Fil-fatt illum l-euro tinsab f’sitwazzjoni delikata fost kompetizzjoni iebsa. L-istrateġija preżentata mill-KE biex tiġi kkonsolidata l-preżenza taż-żona tal-euro fl-FMI tikkonsisti fl-ewwel fażi fejn tingħata ta’ osservatur, u biss wara dan, jintalab is-siġġu uniku. Dan ifisser perjodi twal, li jdgħajfu ż-żona tal-euro, li għandu jkollha leħen wieħed fid-diversi korpi, fi żmien qasir, bħalma l-KESE ilu jirrakkomanda. Għalhekk, il-proposti tal-KE huma ferm realisti imma timidi u insuffiċjenti fil-perjodu l-qasir u dak medju. Anki hawnhekk kollox jiddependi minn x’se jagħmel il-Kunsill.

4.5   BĊE

4.5.1

Jidher li mhuwiex suffiċjenti l-approċċ użat fir-rigward tal-BĊE. Barra minn hekk, il-KESE ma jaqbilx li t-Trattat għandu jikkonfronta “li tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika fuq il-BĊE” peress li l-BĊE huwa korp fejn id-deċiżjonijiet diġà jittieħdu b’maġġoranza (mhuwiex il-każ fil-Kunsill). Barra minn hekk, il-problemi u r-rwol tal-BĊE huma ta’ natura differenti u ma nistgħux nirreferu biss għas-superviżjoni, kif tidher li tagħmel il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn jirrigwardaw l-estensjoni tal-mandat tiegħu għat-tkabbir u l-impjieg, flimkien mal-istabbiltà u l-inflazzjoni.

4.5.2

Għalhekk għandu jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-politiki tal-BĊE għall-ekonomija reali jiffunzjonaw b’mod korrett. L-interventi mhux konvenzjonali implimentati dan l-aħħar mill-BĊE biex dawn il-mekkaniżmi jsiru iktar effikaċi, li huma konsistenti kemm fil-provvista tal-likwidità għas-sistema bankarja (il-programmi Programm ta’ xiri ta’ bonds koperti (CBPP) u Operazzjoni ta’ Rifinanzjament fit-Tul (LTRO) kif ukoll fl-akkwist tat-titoli tal-Istat fis-suq sekondarju (il-Programm għas-Suq tat-Titoli u tranżazzjonijiet monetarji diretti (OMT)), jistgħu jitqiesu bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni mixtieqa imma għadhom ma jikkontribwux għar-rwol tal-BĊE bħala sellief tal-aħħar istanza, b’deċiżjoni awtonoma tiegħu meta jkun hemm bżonn, kundizzjoni li (kif diġà ġie nnotat) teħtieġ bidla fit-Trattati.

4.5.3

Għandhom jissaħħu l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-istrumenti ta’ intervent tal-BĊE fid-dawl tar-rwol tiegħu ta’ sellief tal-aħħar istanza, mhux biex jiżdied id-dejn tal-Istati Membri jew tal-UE, imma biex l-euro tingħata iktar kredibbiltà u biex jiġu limitati l-attakki spekulattivi fir-rigward tad-dejn sovran tal-pajjiżi l-iktar midjuna. Il-KESE jfakkar, b’mod partikolari b’rabta mal-impatt tal-interventi tal-BĊE fuq is-sostenibbiltà tad-dejn sovran, li t-tħabbira waħidha ta’ din il-manuvra fil-fatt ikkontribwiet għat-tnaqqis tat-tensjonijiet preżenti kemm fis-suq tal-ishma tad-dejn pubbliku tal-pajjiżi taż-żona tal-euro kif ukoll fuq is-swieq finanzjarji u tal-kreditu.

4.6   Qorti tal-ġustizzja

4.6.1

It-tisħiħ tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa ħaġa pożittiva fil-fehma tal-KESE, imma mhux fil-kamp propost mill-Komunikazzjoni (proċedura ta’ infrazzjoni tal-Istati Membri). Dan ifisser li tiġi perpetwata l-konvinzjoni li l-problemi ekonomiċi, inkluż id-dejn, huma problemi tekniċi u legali u mhux problemi politiċi li għandhom jiġu fdati lil proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE demokratiku u trasparenti, li fuqu ċ-ċittadini huma sovrani.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, pġ. 10.

(2)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 44.

(3)  Idem.

(4)  Ara n-Nota 1.

(5)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 68.

(6)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 60.

(7)  Idem.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi”

COM(2013) 44 final — 2013/0024 (COD)

u dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu”

COM(2013) 45 final — 2013/0025 (COD)

2013/C 271/05

Relatur: is-Sur ZEEB

Il-Kunsill, nhar it-28 u s-27 ta’ Frar 2013 b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Parlament, nhar it-12 ta’ Marzu 2013 b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu

COM(2013) 45 final – 2013/0025 (COD)

u

l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi

COM(2013) 44 final – 2013/0024 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’145 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“KESE”) jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni intiżi biex jadattaw il-qafas regolatorju Ewropew fid-dawl tal-bidliet li saru fl-istandards internazzjonali tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-kriminali li jabbużaw mis-sistema finanzjarja u l-faċilitajiet li joffri s-suq intern jipperikolaw is-sisien tas-soċjetà tagħna. Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom mezzi effikaċi biex isaħħu l-integrità u t-trasparenza tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. F’dan ir-rigward, m’hemmx dubju li l-proposti tal-Kummissjoni sejrin fid-direzzjoni t-tajba.

1.2

Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki li saru fl-obbligi ta’ diliġenza li jridu jimplimentaw il-professjonisti fir-rigward tal-benefiċjarji effettivi tal-kumpaniji minn naħa, biex b’hekk tinkiseb trasparenza akbar dwar il-persuni fiżiċi li jaġixxu minn wara l-kwinti li tista’ toħloq persuna ġuridika, kif ukoll fir-rigward tal-persuni politikament esposti li jista’ jkollhom riskju akbar li jirrikorru għall-korruzzjoni minħabba l-funzjonijiet tagħhom min-naħa l-oħra. Il-KESE japprova wkoll l-inklużjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus fil-lista tal-professjonisti obbligati peress li dan is-settur jista’ jintuża għall-finijiet tal-ħasil tal-flus.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Il-KESE jikkunsidra li wieħed mill-modi biex ikun żgurat li l-qafas regolatorju Ewropew il-ġdid ikun effettiv u għalhekk jippermetti lill-UE tmexxi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, huwa li l-partijiet interessati kollha jingħaqdu flimkien. Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki miżjudin fil-proposta biex tiġi żgurata l-proporzjonalità fir-rigward tal-SMEs. Il-KESE jħoss li huwa xieraq li l-entitajiet iż-żgħar jingħataw għajnuna teknika u professjonali permezz ta’ korpi intermedjarji bħall-kmamar tal-professjonisti, l-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-obbligi stabbiliti fil-proposta.

1.4

Il-KESE jifraħ li l-Kummissjoni daħlet għall-kompitu delikat li ssib bilanċ bejn kwistjonijiet li a priori jidher li hu diffiċli li jiġu rikonċiljati, jiġifieri l-protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-għan tal-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, inkluża d-data personali, minn firxa wiesgħa ta’ professjonisti hu biss li jiġu identifikati l-attivitajiet kriminali. Għalhekk, il-professjonisti jridu jipproteġu kemm jista’ jkun il-ħajja privata tal-klijenti tagħhom filwaqt li tkun il-prijorità tagħhom li jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

1.5

Il-KESE jilqa’ l-proposta għall-armonizzazzjoni Ewropea tas-sanzjonijiet li japplikaw fis-settur finanzjarju. Il-prevenzjoni tal-kriminalità għandha tkun kemm jista’ jkun effikaċi u l-professjonisti għandhom jingħataw sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati mal-ammonti tal-ħasil tal-flus. Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti u korretta tal-pieni u s-sanzjonijiet amministrattivi.

2.   Il-kuntest

2.1

Il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva jheddu s-sigurtà dinjija u l-integrità tas-sistema finanzjarja. It-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force – FATF) huwa l-korp inkarigat fil-livell internazzjonali biex ifassal miżuri, imsejħin rakkomandazzjonjiet, għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u, dan l-aħħar, il-finanzjament tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva.

2.2

Matul kważi tliet snin ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF ġew riveduti sabiex isaħħu l-miżuri ta’ prevenzjoni u jipproteġu aħjar is-sistema finanzjarja billi lill-gvernijiet jipprovdulhom strumenti aktar qawwija biex jippenalizzaw il-każijiet ta’ ksur gravi. B’hekk l-FATF adotta rakkomandazzjonijiet ġodda fi Frar 2012 (1).

2.3

Il-bidliet essenzjali li saru fir-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tal-FATF huma dawn li ġejjin:

2.3.1

Ir-rakkomandazzjonijiet jispjegaw b’mod aktar ċar il-kunċett tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jridu jadottaw il-pajjiżi u l-entitajiet obbligati (minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-professjonisti”) bil-għan li jifhmu aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (minn hawn ’il quddiem imsejħin “ĦF/FT”) li jiffaċċjaw, u li jadattaw is-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom biex b’hekk ikunu jistgħu jallokaw ir-riżorsi tagħhom b’mod adegwat skont in-natura tar-riskji identifikati.

2.3.2

Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu l-kjarifiki meħtieġa rigward in-natura tal-obbligi li għandhom il-professjonisti. Jiċċaraw il-kamp ta’ applikazzjoni (i) tal-obbligu li jkun hemm trasparenza rigward l-identità tal-benefiċjarji effettivi tal-kumpaniji u tal-benefiċjarji tat-trasferimenti elettroniċi kif ukoll (ii) tal-obbligu li jiġu identifikati l-persuni politikament esposti li jista’ jkollhom riskju akbar li jirrikorru għall-korruzzjoni minħabba l-funzjonijiet tagħhom.

2.3.3

Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu mezzi aktar effikaċi biex l-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni kriminali u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom, u jsaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-inkjesti, il-monitoraġġ u l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta’ ksur gravi.

2.4

L-FATF ser jibda ċiklu ġdid ta’ evalwazzjoni reċiproka tal-membri tiegħu fl-2014, u ser jiffoka b’mod partikolari fuq l-effikaċja tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet il-ġodda tiegħu.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta għar-raba’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT u dik dwar it-tieni Regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi jagħmlu parti mill-aġġornament tal-qafas regolatorju Ewropew u l-għan tagħhom hu li jirriflettu l-bidliet li saru fir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.

3.2

Il-bidliet ewlenin li dawn il-proposti jagħmlu fil-qafas regolatorju Ewropew huma dawn li ġejjin:

3.2.1

Fil-lista tal-professjonisti jiġu inklużi (i) in-negozjanti li jikkonkludu tranżazzjoni bi flus kontanti f’ammont akbar minn EUR 7 500 (2), (ii) il-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus u tal-azzard, u (iii) l-aġenti tal-kiri.

3.2.2

Ir-reati fiskali jitniżżlu b’mod speċifiku bħala reati predikati tal-ħasil tal-flus.

3.2.3

Il-Proposta għal Direttiva tispeċifika li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, sew fil-livell sopranazzjonali, sew f’dak nazzjonali u sew f’dak ta’ kull professjonista, għandu jiġi implimentat abbażi ta’ livelli ta’ diliġenza stabbiliti f’lista minima ta’ fatturi li jridu jiġu kkunsidrati jew f’linji gwida mħejjija mill-awtoritajiet superviżorji Ewropej.

3.2.4

L-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) huma mħeġġin jipparteċipaw fl-analiżi tar-riskji tal-ĦF/FT fi ħdan l-Unjoni Ewropea u jippubblikaw standards regolatorji tekniċi għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

3.2.5

Il-professjonisti jridu jiksbu informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi u jqisu l-persuni politikament esposti f’livell nazzjonali jew li jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħala kategorija ta’ klijenti b’riskju partikolari.

3.2.6

Ġiet stabbilita lista ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-każijiet meta l-professjonisti jiksru b’mod sistematiku r-rekwiżiti fundamentali tad-Direttiva.

3.3

Il-bidliet proposti huma bbażati l-aktar fuq studju (3) dwar l-applikazzjoni tat-tielet Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT imwettaq minn ditta tal-awditjar indipendenti kif ukoll fuq il-pożizzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni matul il-konsultazzjoni pubblika tagħha.

3.4

Il-Proposta għal Direttiva u l-Proposta għal Regolament huma maħsuba biex jieħdu post id-Direttiva u r-Regolament attwali, li ser jitħassru.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jiġi adattat il-qafas regolatorju Ewropew eżistenti dwar il-ġlieda kontra l-ĦF/FT fid-dawl tal-bidliet li saru fil-livell internazzjonali. Il-KESE huwa konxju li l-fenomenu tal-ĦF/FT jolqot is-setturi kollha tal-ekonomija u li għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li l-qafas regolatorju jipprevjeni b’mod effikaċi l-użu tas-sistema finanzjarja għal finijiet kriminali.

4.2

Il-KESE jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li l-Unjoni Ewropea tkun fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu. Ifakkar fil-pożizzjoni li ħa diġà f’Opinjoni preċedenti tiegħu fejn jilqa’ l-iżvilupp kontinwu tar-regoli biex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bħala sinjal li juri li l-Unjoni Ewropea qed tiżgura standards għoljin ta’ integrità u mġiba pubblika u privata tajba. Id-Direttiva hi kemm pass prattiku fil-ġestjoni tal-affarijiet finanzjarji kif ukoll mezz biex tissaħħaħ l-Unjoni Ewropea (4).

4.3

Il-KESE jaħseb li jekk il-limitu li meta jinqabeż in-negozjanti jridu jimplimentaw l-obbligi previsti fil-Proposta għal Direttiva jonqos minn EUR 15 000 għal EUR 7 500, dan ikun pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex jiġu promossi l-pagamenti mhux bil-flus. Il-KESE diġà osserva f’Opinjoni preċedenti (5) li l-flus kontanti huma meqjusa bħala fattur li jiffaċilita l-ekonomija illeġittima u li l-pagamenti mhux bil-flus huma aktar trasparenti mil-lat fiskali u ekonomiku, irħas għas-soċjetà kollha, prattiċi, siguri u innovattivi.

4.4   L-appoġġ għall-“entitajiet iż-żgħar”

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-aġenti tal-kiri u l-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard huma soġġetti għall-obbligi tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT, filwaqt li dawn l-entitajiet mhumiex inklużi fir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.

4.4.2

Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki miżjudin fil-proposta biex tiġi żgurata l-proporzjonalità fir-rigward tal-SMEs. Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet iż-żgħar ikunu jistgħu jirrispettaw l-obbligi inklużi fid-Direttiva proposta, il-KESE jissuġġerixxi li fil-livell nazzjonali jiġu involuti b’mod formali korpi intermedjarji, pereżempju kmamar tal-professjonisti, assoċjazzjonijiet jew federazzjonijiet li jirrappreżentaw l-“entitajiet iż-żgħar”, u li dawn jingħataw setgħat ta’ gwida, appoġġ u medjazzjoni. L-appoġġ għall-“entitajiet iż-żgħar” huwa essenzjali sabiex dawn ma jispiċċawx il-mira ewlenija ta’ dawk li jaħslu l-flus.

4.5   L-adattament tar-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni għall-era diġitali

4.5.1

L-obbligu tal-identifikazzjoni tal-persuni għandu jitwettaq fil-preżenza fiżika tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-professjonisti jridu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza msaħħa minħabba r-riskju marbut mat-tranżazzjonijiet li jsiru mill-bogħod. Il-KESE jistaqsi jekk dan it-tip ta’ rekwiżit huwiex adegwat fid-dawl tal-mixja tas-soċjetà tagħna lejn soċjetà fejn kollox ikun diġitali.

4.5.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar miżuri li jadattaw l-obbligi tal-identifikazzjoni tal-klijenti għall-użu dejjem iżjed frekwenti tal-pagamenti u l-komunikazzjonijiet elettroniċi.

4.6   Il-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data personali u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

4.6.1

Il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li jinsab bilanċ bejn l-interessi marbutin mal-protezzjoni tad-data personali minn naħa, u s-salvagwardja tal-integrità tas-sistema finanzjarja bis-saħħa tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT min-naħa l-oħra.

4.6.2

Peress li l-kunċett tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT jissejjes fuq il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, inkluża d-data personali, minn firxa wiesgħa ta’ professjonisti, il-KESE jemmen li hemm bżonn li l-proposti jissodisfaw fil-parti l-kbira r-rekwiżiti maħsubin sew għall-Istati Membri u sew għall-professjonisti bil-għan li jinsab bilanċ aħjar bejn kwistjonijiet li a priori hu diffiċli li jiġu rikonċiljati.

4.6.3

Fir-rigward tal-obbligu previst fl-Artikolu 39 tal-Proposta għal Direttiva li d-dokumenti u l-informazzjoni jinqerdu wara ħamsa jew għaxar snin li tispiċċa r-relazzjoni ta’ negozju, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġislazzjoni tagħhom tipprevedi sitwazzjonijiet (bħall-prosekuzzjoni kriminali, fallimenti jew suċċessjoni) fejn dan l-obbligu ma japplikax, bħala prevenzjoni biex dan ma jmurx kontra l-interess ġenerali.

4.6.4

Il-KESE jipproponi li d-Direttiva tipprevedi b’mod espliċitu l-obbligu li tinżamm b’mod strett in-natura kunfidenzjali tal-identità tal-persuni li jagħmlu stqarrijiet dwar tranżazzjoni suspettuża, ħlief jekk dawn il-persuni jaqblu li tinkixef l-identità tagħhom, jekk ikun essenzjali li tinkixef l-identità tagħhom biex tiġi garantita proċedura ġusta tal-qorti fil-kuntest ta’ każ kriminali.

4.7   Bażi għal-leġittimità tal-intervent tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej

4.7.1

Il-KESE jinnota li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej ser jiġu involuti fl-analiżi tar-riskji tal-ĦF/FT fil-livell Ewropew u jistgħu joħorġu linji gwida u standards regolatorji għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Għalkemm il-KESE jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej b’rabta mal-ġlieda Ewropea kontra l-ĦF/FT, hu jinnota li dawn jistgħu biss jirrappreżentaw is-settur finanzjarju u jirregolawh b’mod limitat. Però għadd kbir ta’ professjonisti obbligati ma jagħmlux parti mis-settur finanzjarju u għaldaqstant mhumiex rappreżentati fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li fil-livell Ewropew il-Kummissjoni tkun involuta fl-analiżi tar-riskji u fil-ħruġ ta’ linji gwida f’isem il-professjonisti mhux finanzjarji li huma soġġetti għall-obbligi tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT.

4.7.2

Il-KESE hu konvint li hemm bżonn ta’ rakkomandazzjonijiet u standards ta’ interpretazzjoni armonizzati fil-livell Ewropew sabiex ir-regoli tal-ġlieda kontra l-ĦF/FT jiġu applikati b’mod aktar uniformi fl-Istati Membri.

4.8   Sanzjonijiet amministrattivi

4.8.1

Il-proposti jistabbilixxu lista ta’ sanzjonijiet amministrattivi li tkompli mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-“Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji” li l-KESE ħareġ opinjoni (6) dwarha u li tinsab ukoll fi proposti reċenti oħra tal-Kummissjoni (7).

4.8.2

Il-KESE jinkoraġġixxi l-armonizzazzjoni Ewropea tas-sanzjonijiet li japplikaw fis-settur finanzjarju. Ta’ min jinnota li r-repressjoni tal-kriminalità ma twaqqafx il-kriminalità. Għalhekk huwa essenzjali li l-prevenzjoni tal-kriminalità tkun kemm jista’ jkun effikaċi u li jkunu jistgħu jingħataw sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati mal-ammonti tal-ħasil tal-flus lil dawk il-professjonisti li ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom marbuta mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT.

4.8.3

Il-KESE jistaqsi jekk is-sanzjonijiet pjanati humiex ta’ natura purament “amministrattiva”, u jibża’ li dan jista’ jixħet dubju fuq is-severità tas-sanzjonijiet amministrattivi proposti fid-dawl tal-ġerarkija tal-istandards legali u tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet kriminali. Għalkemm is-sanzjonijiet amministrattivi pjanati huma dissważivi u għandhom l-għan li tinkiseb armonizzazzjoni Ewropea, huwa minnu wkoll li s-sanzjonijiet kriminali għall-ħasil tal-flus ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti u korretta tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq il-professjonisti minħabba li jonqsu milli jimplimentaw l-obbligi tagħhom relatati mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT u l-pieni li japplikaw f’każ ta’ ħasil tal-flus.

4.8.4

Il-KESE jibża’ li jista’ jinxteħet dubju fuq il-konformità tal-iskema ta’ sanzjonijiet amministrattivi mal-Artikoli 6(1) u 7 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u dan bir-riskju li ċerti sanzjonijiet amministrattivi jitqiesu bħala “pieni” li jistgħu jingħataw biss minn qorti indipendenti wara proċess ġust filwaqt li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni ssib is-soluzzjonijiet legali adegwati sabiex tiżgura li ma jkun jista’ jinxteħet l-ebda dubju fuq l-iskema ta’ sanzjonijiet proposta.

4.8.5

Il-KESE jemmen li – fil-proposta – l-introduzzjoni ta’ regoli bbażati fuq il-prinċipju ta’ limiti minimi sabiex jiġu applikati miżuri u pieni amministrattivi, tirrappreżenta approċċ li jtejjeb ir-rispons tal-UE b’mod ġenerali.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Il-KESE jirrakkomanda li titwessa’ d-definizzjoni ta’ finanzjament tat-terroriżmu mogħtija fl-Artikolu 1(4) tal-Proposta għal Direttiva sabiex tinkludi “kull att ieħor” minbarra r-reati msemmijin, b’konformità mal-formulazzjoni tar-rakkomandazzjoni 5 tal-FATF.

5.2

Il-KESE jinnota li l-annessi tal-Proposta għal Direttiva jistabbilixxu lista ta’ fatturi u elementi ta’ riskju li l-professjonisti jridu jivverifikaw fil-qafas tal-obbligi tagħhom b’rabta mal-ġlieda kontra l-ĦF/FT. Il-KESE jemmen li l-listi provduti fl-annessi mhumiex eżawrjenti u li l-professjonisti għandhom jikkunsidraw ukoll, b’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, fatturi oħra li huma marbuta mill-qrib mal-Istati Membri u ċ-ċirkostanzi differenti tat-tranżazzjonijiet li jikkonkludu.

5.3

Il-KESE jemmen li s-soluzzjoni għall-problemi tal-piraterija hi li jiġu traċċati u mrażżna l-flussi finanzjarji involuti. Fl-UE għandha tinħoloq “blacklist” ta’ istituzzjonijiet finanzjarji involuti fil-ħasil tal-flus tal-piraterija. Il-Bank Dinji, l-Interpol u l-Europol jistgħu jgħinu fil-ġlieda biex jiġu identifikati l-flus tal-fidwa (ransoms), li għandhom jiġu traċċati u konfiskati sabiex il-piraterija ma tibqax negozju attraenti (8).

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  www.fatf-gafi.org

(2)  Bħalissa l-limitu hu ta’ EUR 15 000.

(3)  http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/financial-crime/20110124_study_amld_en.pdf

(4)  ĠU C 267, 27.10.2005, p. 30-35 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 52.

(6)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 108.

(7)  COM(2011) 651 final, COM(2011) 656 final, COM(2011) 683 final.

(8)  ĠU C 76, 14.3.2013, p. 15.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”

COM(2013) 71 final — 2013/0045 (CNS)

2013/C 271/06

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar it-28 ta’ Frar 2013, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji

COM(2013) 71 final - 2013/0045 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’94 vot favur, 38 vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), b’konformità mal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (1), tal-Kumitat tar-Reġjuni (2) u mal-opinjonijiet preċedenti (3), jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta mressqa mill-Kummissjoni biex tiġi introdotta l-ewwel taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) reġjonali fid-dinja.

1.2

Filwaqt li jfakkar li huwa kien irrakkomanda l-applikazzjoni ta’ TTF fil-livell dinji, il-KESE jemmen li l-applikazzjoni tagħha fil-livell reġjonali (żona UE11+), bis-saħħa tal-involviment ta’ 11-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (4), tista’ tirrappreżenta opportunità ta’ importanza eċċezzjonali, li tista’ twassal għall-applikazzjoni futura tagħha madwar id-dinja.

1.3

Il-KESE jtenni l-importanza tal-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa bħala strument li jippermetti lill-Istati Membri jiksbu l-aktar ftehim wiesa’ possibbli f’ċerti oqsma ta’ politika stabbiliti fit-Trattati (5), u b’hekk jiġi newtralizzat l-imblokk tal-unanimità li sikwit daħħal lill-UE f’sitwazzjoni ta’ staġnar politiku u ekonomiku.

1.4

Il-KESE jqis li wieħed mill-punti b’saħħithom tal-proposta għal TTF huwa l-fatt li hija taxxa b’bażi tat-taxxa wiesgħa u li għandha żewġ rati tat-taxxa baxxi li jnaqqsu l-effetti negattivi ta’ distorsjoni. Il-KESE jemmen li l-introduzzjoni ta’ taxxa fiż-żona EU11+ ser tippromovi l-ħolqien ta’ suq finanzjarju uniku. Għaldaqstant jirrakkomanda li t-TTF tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 u jqis li l-introduzzjoni gradwali mhijiex adegwata.

1.5

Il-KESE jqis li biex jiġi massimizzat l-impatt tat-taxxa fuq it-tkabbir ekonomiku, id-dħul li ser tiġġenera din it-taxxa għandu jiġi allokat lil programm ta’ investiment fil-livell nazzjonali u tal-UE li jkun jista’ jiżgura l-irkupru ekonomiku u joħloq l-impjiegi fil-perjodu qasir.

1.6

Il-KESE bi pjaċir jenfasizza li, sabiex jiġi newtralizzat jew tal-anqas jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ delokalizzazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji, il-Kummissjoni – fil-proposta l-ġdida għat-TTF – assoċjat il-prinċipju tar-residenza (jew tat-territorjalità) (propost fil-verżjoni oriġinali) mal-prinċipju tal-ħruġ (issuance principle), li ġie propost mill-Parlament Ewropew u appoġġjat mill-KESE fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (6). Il-KESE jinnota li l-applikazzjoni kumulattiva ta’ dawn il-prinċipji tista’ tfisser li f’ċerti każijjiet anke l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx ikunu soġġetti għat-taxxa. Għaldaqstant, il-KESE jqis opportun – f’konformità ma’ dak li ppropona l-Parlament Ewropew – li ssir analiżi ddettaljata u negozjati f’waqthom ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġi faċilitat il-ġbir tat-TTF.

1.7

Il-KESE, f’konformità mal-Parlament Ewropew, iqis opportun li l-prinċipji ta’ residenza u ta’ emissjoni jiġu integrati mal-prinċipju ta' sjieda. Dan jista’ jwassal biex ikun riskjuż b’mod effettiv u jqum ħafna flus l-evitar tat-TTF, u jiggarantixxi li t-taxxa tiġi applikata aħjar.

1.8

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-bidliet kontra l-evitar u l-evażjoni introdotti mill-Kummissjoni bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni tat-taxxa. Il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni ta’ eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet tas-suq primarju li jinvolvu l-impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS – units of undertakings for collective investments in transferable securities) u l-fondi ta’ investiment alternattiv (AIF – Alternative Investment Funds) sabiex jiġi promoss il-finanzjament tal-intrapriżi.

1.9

Il-KESE jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-konsegwenzi makro u mikroekonomiċi tal-applikazzjoni tat-TTF hija prevista biss wara tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-leġislazzjoni kkonċernata. Huwa jitlob li l-Kummissjoni twettaq tali attività ta’ kontroll u ta’ verifika b’mod permanenti (monitoraġġ annwali). B’dan il-mod, ser ikun possibbli li naslu għal valutazzjoni immedjata tal-effetti tat-TTF, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu proposti korrezzjonijiet f’waqthom fl-applikazzjoni tat-TTF.

1.10

Fid-dawl tal-fatt li l-KESE preċedentement kien ikkritika n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ta’ valutazzjoni mal-proposta oriġinali tat-TTF, jilqa’ b’mod favorevoli l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tikkoreġi parzjalment dan in-nuqqas. Il-KESE jenfasizza li, fir-rigward tal-valutazzjoni kwantitattiva tal-effetti tal-proposti, jeħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-mudelli li huma disponibbli bħalissa, billi tadattahom għall-valutazzjoni ta’ alternattivi ta’ politika. B’mod partikolari, il-Kumitat jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni biex, fejn ikun possibbli, jipproduċu stimi relatati mal-karatteristiċi attwali tal-proposti speċifiċi li saru.

1.11

Il-KESE jiddispjaċih li, peress li t-TTF ma tistax tiġi applikata fis-27 Stat Membru tal-UE kollha, il-baġit tal-UE huwa nieqes minn pilastru fundamentali tas-sistema ta’ riżorsi proprji. Din is-sistema kellha twassal biex terġa’ tiġi garantita l-awtonomija finanzjarja meħtieġa tal-UE, kif stabbilit oriġinarjament fl-Artikolu 201 tat-Trattat ta’ Ruma.

1.12

Il-KESE jisħaq li fl-applikazzjoni tat-TTF, l-entitajiet ta’ ġestjoni, permezz tal-koordinazzjoni neċessarja bejn l-Istati Membri, iridu jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ evitar u evażjoni, kif ukoll inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi ta’ ġestjoni.

1.13

Filwaqt li jtenni l-bżonn ta’ monitoraġġ fid-dettall tal-effetti tat-taxxa fuq il-fondi tal-pensjonijiet u l-pensjonanti futuri, il-KESE ma jirrakkomandax li dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTF.

1.14

Waqt il-qadi ta’ dmirijietu bħala korp konsultattiv tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-KESE jiddikjara mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jimpenja ruħu biex iwettaq monitoraġġ kontinwu tal-proċess li permezz tiegħu l-proposta tal-Kummissjoni twassal għal leġislazzjoni.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-kuntest ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF)

2.1

Il-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea (7) tirrifletti l-proposta preċedenti li tfasslet f’Settembru 2011 (8). Minkejja l-fatt li ma rċevitx appoġġ unanimu fil-Kunsill, din il-proposta madankollu ħeġġet 11-il Stat Membru tal-UE biex jagħmlu talba uffiċjali lill-Kummissjoni nhar it-28 ta’ Settembru 2012 sabiex il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa tintuża biex tiġi stabbilita TTF.

2.2

Wara li vvalutat il-fattibbiltà ta’ din it-talba u stabbilixxiet li l-kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tat-TTF ma kienx ser ikollha effett negattiv fuq is-suq intern jew fuq il-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li ma kinux qed jipparteċipaw, f’Ottubru 2012 il-Kummissjoni fasslet deċiżjoni biex tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa, liema deċiżjoni tressqet quddiem il-Parlament Ewropew f’Diċembru 2012 u rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill ECOFIN f’Jannar 2013.

2.3

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrifletti essenzjalment il-proposta oriġinali; iddaħħlu xi bidliet bil-għan li: i) tiġi żgurata ċarezza leġislattiva aħjar, u ii) jissaħħew id-diżpożizzjonijiet kontra l-abbuż u kontra l-evitar tat-taxxa kif mitlub mill-11-il Stat Membru.

2.3.1

Ġew affermati mill-ġdid u msaħħa t-tliet għanijiet oriġinali: i) it-tisħiħ tas-suq uniku billi jiġu newtralizzati l-approċċi nazzjonali diverġenti lejn it-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; ii) l-iżgurar li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust għall-finanzi pubbliċi bl-istess mod bħas-setturi l-oħra; iii) il-promozzjoni tal-investiment mis-sistema finanzjarja fl-ekonomija reali.

2.3.2

Bħal fil-proposta oriġinali, il-bażi tat-taxxa hija wiesgħa u r-rati minimi huma baxxi: 0,1 % għat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw ishma, bonds, unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv, strumenti tas-suq monetarju, ftehimiet ta’ riakkwist u ta’ self; u 0,01 % għat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jinvolvu kuntratti tad-derivati.

2.3.3

Sabiex ma jiġix ostakolat l-iżvolġiment normali tal-ekonomija reali, it-taxxa mhux ser tapplika: i) għall-attivitajiet finanzjarji ta’ kuljum taċ-ċittadini u tal-intrapriżi (self, pagamenti, assigurazzjoni, depożiti, eċċ.); ii) għall-attivitajiet bankarji tradizzjonali ta’ investiment li jsiru fil-kuntest tal-ġbir tal-kapitali jew għall-operazzjonijiet finanzjarji li jsiru fil-qafas tar-ristrutturar; iii) għall-attivitajiet ta’ rifinanzjament, tal-politika monetarja u għall-ġestjoni tad-dejn pubbliku; iv) għat-tranżazzjonijiet tas-suq primarju li jinvolvu l-UCITS u l-AIFs. Għaldaqstant, ser jiġu esklużi t-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali Ewropew, mal-banek ċentrali tal-Istati Membri, mal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u dawk mal-UE.

2.3.4

Il-proposta żżomm il-prinċipju tar-residenza jew tat-territorjalità, li skontha, jekk l-istituzzjoni finanzjarja involuta fit-tranżazzjoni hija stabbilita fiż-żona ta’ applikazzjoni tat-TTF jew tkun qed taġixxi f’isem korp ibbażat f’dik iż-żona, it-tranżazzjoni hija soġġetta għat-taxxa irrispettivament minn liema żona ġeografika tkun twettqet.

2.3.5

Sabiex tiġi skoraġġuta d-delokalizzazzjoni lil hinn miż-żona ta’ applikazzjoni tat-TTF ġie introdott il-prinċipju tal-ħruġ, kif mitlub mill-Parlament Ewropew u appoġġjat mill-KESE. Skont dan il-prinċipju, tranżazzjoni hija soġġetta għat-TTF jekk il-prodott finanzjarju kkonċernat jinħareġ f’wieħed mill-11-il Stat Membru li jipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa, indipendentement mill-fatt li s-suġġetti tat-tranżazzjoni jgħixu barra miż-żona ta’ applikazzjoni tat-TTF jew barra mill-post fejn issir it-tranżazzjoni.

2.3.6

L-effett kombinat taż-żewġ prinċipji (il-prinċipju tar-residenza u l-prinċipju tal-ħruġ) jinnewtralizza jew tal-anqas inaqqas b’mod sinifikanti l-inklinazzjoni għad-delokalizzazzjoni lil hinn miż-żona tat-TTF biex tiġi evitata t-taxxa. Fil-fatt, sabiex tevita t-taxxa, l-istituzzjoni finanzjarja jkollha tabbanduna l-bażi ta’ klijenti tagħha residenti fiż-żona tat-TTF u tieqaf topera bil-prodotti finanzjarji kollha maħruġa f’dik iż-żona. Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li din iż-żona tikkostitwixxi 2/3 tal-PDG tal-UE u 90 % tal-PDG taż-żona tal-euro. Dan il-fatt juri li mhuwiex għaqli li titfassal strateġija ta’ noninterazzjoni ma’ dan is-suq, fejn l-uniformità tat-taxxa fuq is-swieq finanzjarji għandha tikkontribwixxi sew għall-ksib tas-suq uniku.

2.3.7

Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, id-dħul mit-taxxa għandu jammonta għal madwar EUR 30-35 biljun fis-sena. Dan huwa daqs madwar 60,0 % tad-dħul stmat preċedentement (EUR 57 biljun) meta kien ippjanat li t-taxxa tiġi applikata għall-Istati Membri kollha tal-UE. Dan id-dħul jinqasam hekk: EUR 13-il biljun mill-ishma u t-titoli, u EUR 21 biljun mid-derivati.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Matul dawn l-aħħar snin, bosta Stati Membri tal-UE approvaw l-applikazzjoni ta’ forom differenti ta’ TTF, u b’hekk żiedu r-riskji ta’ tassazzjoni diversifikata li tagħmel ħsara lis-suq intern (bażijiet tat-taxxa ristretti, forom differenti ta’ eżenzjoni). L-introduzzjoni ta’ TTF reġjonali tista’ tippromovi suq finanzjarju ġenwinament uniku, ħieles mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li hija r-riżultat ta’ sistemi tat-taxxa ineffiċjenti.

3.1.1

Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li t-TTF għandha tidħol fis-seħħ fiż-żmien previst mill-Kummissjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2014, mingħajr introduzzjoni gradwali li, fid-dawl tal-leġislazzjoni nazzjonali fi ħdan l-Istati Membri tal-UE11+, tista’ twassal għal dewmien u problemi ta’ natura teknika.

3.2

L-introduzzjoni tat-TTF fil-livell tas-27 Stat Membru tal-UE, għalkemm opportuna, mhijiex possibbli. Minkejja dan, l-applikazzjoni tagħha permezz tal-kooperazzjoni msaħħa – mingħajr effetti negattivi għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx – hija l-mod meħtieġ biex tiġi garantita l-applikazzjoni tagħha futura fil-livell Ewropew u globali.

3.3

Il-fatt li t-taxxa ma tiġix applikata fl-Istati Membri tal-UE, f’ċerti każijiet, jista’ jwassal għal tassazzjoni doppja fi ħdan il-pajjiżi li ma jkunux qed jipparteċipaw. Din hija kwistjoni li tikkonċerna parti żgħira tat-tranżazzjonijet u fi kwalunkwe każ tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ ftehimiet bilaterali ta’ kumpens.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jenfasizza li l-istima inizjali tal-effetti makroekonomiċi fit-tul (40 sena) tat-TTF fuq l-ekonomija Ewropea ġiet riveduta b’mod sostanzjali mis-servizzi tal-Kummissjoni – minn stima negattiva ta’ madwar – 1,76 % għal stima pożittiva ta’ madwar + 1,0 %.

4.1.1

L-istima li kienet mehmuża mal-proposta inizjali ġiet emendata, u fil-valutazzjoni ġew inklużi kemm l-effetti tar-rati effettivi proposti kif ukoll l-effetti tal-“mitigazzjoni”. Dan wassal għal żieda minn – 1,76 % għal – 0,53 % tal-PDG (9).

4.1.2

Wara dan, il-Kummissjoni reġgħet emendat din il-valutazzjoni, peress li din ma qisitx il-karatteristiċi speċifiċi tal-proposta u, barra minn hekk, kienet ibbażata fuq ipoteżi mhux realistiċi dwar ix-xogħol (pereżempju, li l-investiment ġdid kollu tal-intrapriżi kien iffinanzjat mill-istrumenti soġġetti għat-TTD). Permezz ta’ din il-korrezzjoni, l-impatt effettiv fit-tul fuq il-PDG reġa’ naqas għal stima ta’ madwar – 0,28 %. Fil-qafas ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt oħra li kkunsidrat ukoll l-effetti tal-użu tad-dħul mit-TTD bħala alternattiva għal forom oħra ta’ tassazzjoni u bħala għodda possibbli għall-investiment pubbliku. Permezz ta’ din il-valutazzjoni, u taħt l-ipoteżi ta’ dħul ta’ 0,16 % tal-PDG, l-impatt tat-TTF fuq il-PDG sar wieħed pożittiv ta’ bejn 0,2 % u 0,4 % (10).

4.1.3

Però din l-aħħar ipoteżi għandha tiġi kkunsidrata bħala restrittiva peress li, f’termini ta’ dħul totali, ma tikkunsidrax l-elementi derivanti tat-taxxa fuq id-derivati; element li madankollu huwa inkluż fil-proposta tal-Kummissjoni u li jista’ jwassal għal żieda fid-dħul totali minn 0,16 % għal 0,4 % tal-PDG, u b’hekk it-TTF ikollha effett pożittiv fuq il-PDG ta’ madwar 1 % (11).

4.2

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-introduzzjoni ta’ TTF jista’ jkollha l-aktar impatt effettiv fuq l-ekonomija tal-UE jekk id-dħul li jinġabar jintuża – sew fil-livell tal-UE u sew f’dak nazzjonali – għall-finanzjament ta’ programm ta’ investiment pubbliku li jista’ jiggarantixxi t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

4.3

Matul dawn l-aħħar ħames snin li kkoinċidew mal-kriżi, il-KESE fassal għadd ta’ opinjonijiet fejn irrakkomanda l-bżonn li jergħu jiġu bbilanċjati l-politiki makroekonomiċi Ewropej favur politiki ta’ investiment li jappoġġjaw it-tkabbir u l-impjieg (12). Jekk tiġi segwita t-triq proposta mill-KESE, id-dħul mill-applikazzjoni ta’ TTF jista’ jkun l-aktar effikaċi jekk tabilħaqq jintuża għall-finanzjament ta’ programm kbir ta’ investiment fil-livell nazzjonali u Ewropew.

4.4

Il-KESE jqis li wieħed mill-punti b’saħħithom tat-TTF huwa l-fatt li hija taxxa b’bażi tat-taxxa wiesgħa u żewġ rati tat-taxxa baxxi. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi tat-taxxa li jwasslu għal distorsjoni qawwija tas-swieq minħabba żona aktar limitata ta’ tassazzjoni u rati ogħla. Għal din ir-raġuni l-KESE jqis li jeħtieġ li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-esklużjonijiet mill-bażi tat-taxxa u l-esklużjoni tal-persuni taxxabbli minn naħa, u min-naħa l-oħra jinbeda proċess li filwaqt li japplika r-rati fiskali proposti, ikun kapaċi joħloq suq uniku ġenwin.

4.5

Il-KESE jilqa' l-inklużjoni tal-“prinċipju ta' sjieda” li permezz tiegħu tranżazzjoni finanzjarja li tevadi t-TTF mhix infurzabbli legalment u ma tinvolvix it-trasferiment tas-sjieda tal-istrument finanzjarju fil-kwistjoni.

4.6

Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu esklużi mill-bażi tat-taxxa t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-UCITS u l-AIFs, bħala strumenti marbutin direttament mal-finanzjament tal-intrapriżi u sabiex tiġi rispettata d-Direttiva 2008/7/KE. Ta’ min jinnota li t-tnaqqis previst fid-dħul minħabba din l-esklużjoni jammonta għal EUR 4 biljun.

4.7

Minkejja li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li tiġi kkontrollata kwalunkwe pressjoni fuq ir-rati tal-imgħax tad-dejn pubbliku, il-KESE jaqbel mal-proposta li tinżamm l-eżenzjoni għat-titoli pubbliċi maħruġa fuq is-suq primarju u li jiġu intaxxati tranżazzjonijiet sekondarji fit-titoli pubbliċi; f’dan il-kuntest, iħeġġeġ eżenzjoni fis-suq sekondarju biss għall-istituzzjonijiet delegati tal-awtoritajiet pubbliċi biex jintervjenu fi tranżazzjonijiet marbutin mal-ġestjoni tad-dejn pubbliku.

4.8

Fir-rigward tal-fondi tal-pensjonijiet, il-KESE kien diġà esprima l-ħtieġa li l-effetti tat-TTF fuq il-fondi tal-pensjonijiet jiġu soġġetti għal monitoraġġ speċifiku. L-esklużjoni mill-bażi tat-taxxa tal-UCITS u l-AIFs, kif ukoll tat-titoli tad-dejn pubbliku fis-suq primarju, żgur li tirrappreżenta ħaġa pożittiva għall-fondi tal-pensjonijiet fid-dawl tal-istruttura tal-portafoll tagħhom.

4.9

Filwaqt li jtenni l-bżonn ta’ monitoraġġ fid-dettall tal-effetti tat-taxxa fuq il-fondi tal-pensjonijiet u l-pensjonanti futuri, il-KESE ma jirrakkomandax li dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TTF.

4.10

L-applikazzjoni ta’ TTF, mingħajr preġudizzju għal-likwidità tas-sistema, tista’ tiddirieġi l-fondi tal-pensjonijiet lejn strateġiji ta’ investiment fit-tul u tnaqqas l-elementi li jiddestabbilizzaw bħal tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ frekwenza għolja (13).

4.11

Fl-applikazzjoni tat-taxxa l-ġdida, għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-dispożizzjonijiet tal-ġestjoni amministrattiva, sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun kemm ir-riskji ta’ evitar u evażjoni, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi fuq l-Istati Membri u dawk li jridu jħallsu t-taxxa. Għaldaqstant ikun tajjeb li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni, fit-tfassil tal-atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-metodi ta’ ħlas u ta’ verifika tat-taxxa, jaraw li dawn l-ispejjeż amministrattivi jkunu l-inqas possibbli u jivverifikaw attentament il-mod kif jevolvu. B’riżultat tal-effetti tal-proposta, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tipi ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx u l-Istati Membri benefiċjarji tat-taxxa.

4.12

Fid-dawl tal-fatt li l-KESE preċedentement kien ikkritika n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ta’ valutazzjoni mal-proposta oriġinali tat-TTF, jilqa’ b’mod favorevoli l-fatt li l-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tikkoreġi parzjalment dan in-nuqqas permezz tas-seba’ noti spjegattivi mehmużin mal-analiżi tal-impatt, u li kienu mehmużin mal-proposta preċedenti (14) – u li magħhom għandha tiżdied il-valutazzjoni tal-impatt li hija mehmuża mal-proposta attwali (15). Minkejja dan, il-KESE jenfasizza li għad hemm nuqqas ta’ dokumentazzjoni analitika u ta’ natura illustrattiva tas-sitwazzjoni attwali tal-intaxxar tas-swieq finanzjarji kif ukoll fuq id-dħul mid-diversi pajjiżi, b’mod partikolari mill-UE11+. B’mod partikolari jkun tajjeb li ssir valutazzjoni usa’ tal-effetti possibbli fuq dawk li jfaddlu u fuq il-pensjonanti futuri, billi jitqiesu l-alternattivi ta’ kif se tintiret din it-taxxa.

4.13

Il-KESE jisħaq li, fir-rigward tal-valutazzjoni kwantitattiva tal-effetti tal-proposti, jeħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-mudelli li huma disponibbli bħalissa, billi tadattahom għall-valutazzjoni ta’ alternattivi ta’ politika. Għaldaqstant il-Kumitat jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni biex, fejn ikun possibbli, jipproduċu stimi relatati mal-karatteristiċi attwali tal-proposti speċifiċi li saru.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  (2010/2105 (INI)).

(2)  ĠU C 113,18.4.2012, p. 7–10.

(3)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 81-89; ĠU C 248, 25.8.2011, p. 64–67; ĠU C 248, 25.8.2011, p.75-80; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 55–63.

(4)  Il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja.

(5)  L-użu tal-kooperazzjoni msaħħa huwa rregolat mill-Artikolu 20 tat-TUE u mill-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE.

(6)  ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 55-63.

(7)  COM(2013) 71 final.

(8)  COM(2011) 594 final.

(9)  SEC(2011) 1102 final, Volum 1, p. 52.

(10)  KE, 2012, Skeda teknika, Impatti makroekonomiċi.

(11)  Valutazzjoni abbażi tal-analiżi fil-Quarterly Report on the Euro Area, Vol. 11 no3 (2012) tal-Kummissjoni Ewropea.

(12)  Biex insemmu ftit minnhom:ĠU C 133, 9.5.2013, p.44; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 60–71; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 45-51; ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8-15; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10-16.

(13)  Network for Sustainable Financial Markets (Netwerk għal Swieq Finanzjarji Sostenibbli), 2012, No Exemption – The Financial Transaction Tax and Pension Funds (L-ebda eżenzjoni - it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-fondi tal-pensjonijiet), Diċembru. DIW, 2012, Financial Transaction Tax Contributes to More Sustainability in Financial Markets (It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tikkontribwixxi għal aktar stabbiltà fis-swieq finanzjarji), Dokumenti ta’ Diskussjoni 1198.

(14)  Ippubblikata fl-4 ta’ Mejju 2012 fis-sit elettroniku apposta.

(15)  SWD(2013) 28 final.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 4.7 ġdid

Żid punt ġdid kif ġej wara l-punt 4.6

4.7

Meta wieħed iqis is-sejbiet imħallta ta' studji dwar l-effetti tal-introduzzjoni tat-TTF, il-KESE jirrakkomanda: il-monitoraġġ b'attenzjoni tal-impatt f'pajjiżi li diġà ħadu dan il-pass; li jitqies l-impatt ta' likwidità mnaqqsa fuq il-volatilità tas-suq f'relazzjoni mal-ispejjeż għal prodotti speċifiċi użati fl-iżgurar tal-provvediment tal-assikurazzjoni u t-tfaddil tal-pensjonijiet; u li jiġi evalwat b'mod realistiku jekk jinstab il-bilanċ tajjeb bejn dħul reali mit-taxxa miġbura u l-ispejjeż li qed jiżdiedu tas-servizzi finanzjarji kemm għan-negozji kif ukoll dawk li jfaddlu fi żmien ta' kriżi. Fil-fehma tal-KESE, ir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ iridu jiġu analizzati b'kawtela u l-passi futuri jiġu aġġustati malajr, jekk ikun hemm bżonn, f'konformità ma kwalunkwe sejbiet ġodda.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

64

Kontra

94

Astensjonijiet

25


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI”

COM(2013) 42 final — 2013/0023 (COD)

2013/C 271/07

Relatur Ġenerali: is-Sur DE LAMAZE

Nhar l-20 ta' Frar 2013 u nhar it-12 ta' Marzu 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI

COM(2013) 42 final - 2013/0023 (COD)

Nhar id-19 ta' Marzu 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta' Mejju) li jaħtar lis-Sur DE LAMAZE bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'130 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE ma jaqbilx mal-argumenti li qed tagħmel il-Kummissjoni biex jiġġustifika din il-proposta. Fl-assenza ta' data xjentifika li tipprova l-affermazzjoni li d-differenzi fil-pieni fil-qasam tal-muniti foloz twassal għall-fenomenu ta' “forum shopping” min-naħa tal-falsifikaturi, il-KESE ma jidhirlux li huwa assolutament iġġustifikat li d-deċiżjoni kwadru tal-2000 tiġi riveduta biex jiddaħħal livell minimu ta' pieni fl-UE, li l-effett disważiv li huwa mistenni minnu jidher dubjuż.

1.2

Fis-sura ta' hekk imsejħa regoli minimi, il-KESE jinnota li l-proposta għal Direttiva fil-fatt iddaħħal sett ta' miżuri ta' infurzar komplut ħafna għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar, ħaġa li tidher li tmur lil hinn minn dak li huwa awtorizzat fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), peress li jintmissu wkoll il-kompetenzi u l-proċeduri.

1.3

Filwaqt li jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-ħtieġa ta' approċċ tant repressiv, li mid-definizzjoni tiegħu jista' jwassal għal ksur tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat ma jemminx fl-effikaċja ta' dan l-approċċ, peress li minkejja l-istabbiliment ta' livell minimu tal-piena, il-piena dejjem ser tiġi interpretata b'mod differenti skont it-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri u minħabba fil-poter tad-diskrezzjoni tal-imħallef.

1.4

B'mod ġenerali, il-KESE jikkritika l-proposta ta' Direttiva peress li ma tqisx biżżejjed, kif wara kollox jeżiġi l-Artikolu 82(2) tat-TFUE, id-differenzi fit-tradizzjonijiet u s-sistemi legali, partikolarment fir-rigward tal-impatt ta' dawn id-dispożizzjonjiet fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

1.5

Bħala istituzzjoni li tirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Ewropea, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawk li jwettqu r-reat jistgħu jkunu ċittadini li fil-bidu jkunu bona fede, u li wara li jkunu rċevew flus foloz mingħajr ma ndunaw, isibu ruħhom fil-pożizzjoni li jkollhom bżonn jeħilsu minnhom. Filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li jintefgħu pieni sproporzjonati fuq dawn il-persuni li minn vittmi jsiru “delinkwenti” mingħajr ma jridu, il-KESE jqis li, l-intenzjoni tal-aġir tibqa' element primordjali li jrid jitqies, ħaġa li l-proposta ta' direttiva ma tenfasizzax biżżejjed fil-premessi tagħha.

1.6

Il-KESE huwa mħasseb li fil-proċedura, il-proposta ta' Direttiva ma tipprevedix gradi differenti fil-mezzi użati mis-servizzi tal-inkjesta skont il-gravità tal-infrazzjoni, kif tagħmel fid-definizzjoni tas-sanzzjonijiet. Huwa jqis ukoll li hemm bżonn li jiġi ċċarat, fil-proposta ta' Direttiva, li l-użu ta' għodod ta' investigazzjoni applikabbli fil-qasam tal-kriminalità organizzata jridu jintużaw biss għall-aktar reati gravi.

2.   Il-Kontenut tal-Proposta

2.1

Din il-proposta ta' Direttiva issaħħaħ il-qafas attwali mmirat li jirreprimi b'mod penali l-iffalsifikar tal-muniti, kemm l-euro kif ukoll muniti oħra. Filwaqt li tikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1929 fit-territorju tal-UE, li jesiġu fost affarijiet oħra li l-Istati Membri jkunu parti kontraenti, il-proposta attwali tieħu post id-deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI, li ġiet modifikata minn dik tal-2001 (2001/888/ĠAI) li żiedet xi provvedimenti importanti magħha.

2.2

Fost affarijiet oħra, hija għandha l-għan li tiġġieled kontra l-fenomenu tal-“forum shopping”, li skont il-valutazzjoni tal-impatt, jiġi użat fl-istrateġiji tan-netwerks kriminali li jfittxu l-anqas leġislazzjoni ħarxa. Biex tagħmel dan, u fuq il-bażi tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, hija tistabbilixxi livell minimu komuni ta' pieni ta' tal-anqas sitt xhur ħabs għall-fabrikazzjoni u d-distribuzzjoni ta' flus foloz (mill-ammont ta' EUR 10 000). B'mod parallel, il-piena massima ta' mill-anqas tmien snin ħabs diġà prevista għall-fabrikazzjoni qed tiġi estiża għad-distribuzzjoni (mill-ammont ta' EUR 5 000)

2.3

Il-persuni morali jistgħu jinżammu responsabbli għall-infrazzjonijiet li jkunu twettqu għalihom, u jistgħu jingħataw sanzjonijiet li jvarjaw minn esklużjoni minn benefiċċju jew għajnuna pubblika għad-dissoluzzjoni.

2.4

Fil-qasam tal-leġislazzjoni proċedurali, din il-proposta tħarrax ukoll il-qafas attwali. Is-servizzi tal-inkjesta u ta' prosekuzzjoni jistgħu jużaw għodod ta' investigazzjoni użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u forom oħra gravi ta' kriminalità. Barra minn hekk, waqt il-proċediment, l-awtoritajiet ġudizzjarji ser jiġu obbligati li jibagħtu kampjuni tal-flus foloz sekwestrati għal analiżi teknika bl-iskop li jiġu skoperti aktar flus foloz fiċ-ċirkolazzjoni.

2.5

Fl-aħħar, il-proposta tipprevedi li kull Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni universali, għal reati marbuta mal-euro mwettqa barra mill-Unjoni Ewropea, jekk min iwettaq ir-reat ikun fit-territorju tagħha jew jekk f'dak l-Istat Membru jinstabu euro foloz marbuta mar-reat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Filwaqt li jirrikonoxxi li l-iffalsifikar tal-euro, b'mezzi li qed isiru dejjem aktar kumplessi u pperfezzjonati, huwa fenomenu preokkupanti li huwa importanti li jiġi miġġieled b'mod effikaċi, il-KESE jesprimi riżervi serji kemm dwar il-kontenut kif ukoll fuq il-bażi nnifisha ta' din l-inizjattiva.

3.2

Fin-nuqqas ta' data xjentifika, kif jixhed l-istudju tal-impatt, il-KESE jsibha diffiċli li jiġi konvint mill-argument ta' “forum shopping” li l-Kummissjoni tuża bħala bażi biex tiżviluppa l-proposta ta' Direttiva. Fil-fehma tiegħu, m'hemmx ċertezza li d-differenzi fil-livell ta' sanzjonijiet fi ħdan l-UE jispjegaw b'xi mod iż-żieda fl-iffalsifikar jew li l-liġijiet nazzjonali fil-qasam tas-sanzjonijiet penali jingħataw prijorità fl-għażla tal-post fejn issir il-falsifikazzjoni. Iridu jitqiesu fatturi oħra, ta' natura materjali jew loġistika, biex tiġi spjegata l-lokalità tal-istamperiji tal-flus foloz.

3.3

Bl-istess mod, fin-nuqqas ta' analiżi preċiża li ssostni l-affermazzjoni li d-differenzi fil-livelli ta' severità fi ħdan l-UE jistgħu jfixklu l-kooperazzjoni bejn il-korpi/forzi tal-infurzar u dawk ġudizzjarji u l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar fil-pajjiżi terzi, il-KESE jiddubita dwar ir-raġuni stess ta' din il-proposta ta' Direttiva.

3.4

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-provvedimenti li qed jiġu adottati fuq il-bażi ta' dawn l-argumenti joħolqu mekkaniżmu ta' infurzar li huwa strett wisq. Barra milli tistabbilixxi t-totalità tar-reati tal-falsifikazzjoni u tistabbilixxi l-pieni, mhux biss minimi imma anke massimi għar-reati tad-distribuzzjoni, il-proposta ta' Direttiva tmiss ukoll aspetti tal-kompetenza u tal-proċedura.

3.5

Il-KESE għandu d-dubji tiegħu, speċjalment dwar il-preżenza ta' dawn id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza u l-proċedura li jmorru lil hinn minn dak li hemm fir-raġunijiet u dak li jawtorizza l-Artikolu 83(1) tat-TFUE, jiġifieri l-iffissar ta' “regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet”. Il-Kumitat jinnota li dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprevedu l-applikazzjoni ta' miżuri eċċezzjonali, għandhom implikazzjonijiet repressivi kbar peress li jwasslu għall-ħolqien ta' ġurisdizzjoni universali, li fid-definizzjoni tagħha, tidderoga soluzzjonijiet ġenerali għar-reati ta' falsifikazzjoni tal-euro, kif ukoll l-użu tal-mezzi ta' investigazzjoni li jintużaw għall-kriminalità organizzata.

3.6

Dan l-aħħar punt huwa dak li jqajjem l-akbar diffikultajiet f'għajnejn il-KESE. Fil-fatt ma ssir l-ebda distinzjoni skont il-grad ta' serjetà tar-reati definiti fil-proposta ta' Direttiva biex tiġġustifika l-użu ta' mezzi ta' investigazzjoni li jintużaw għall-kriminalità organizzata. Il-KESE jidhirlu li dan il-provvediment joħloq riskju ta' ksur gravi tal-prinċipju tal-proporzjonalità u theddida għad-drittijiet fundamentali (1).

3.7

Fil-fatt, il-KESE jixtieq ifakkar lil-leġislaturi Ewropej il-ħtieġa li jqisu l-Istati Membri kollha bit-tradizzjoni demokratika tagħhom, xi wħud aktar reċenti minn ta' oħrajn, u s-sensittività tagħhom għar-rispett tal-libertajiet individwali, biex b'hekk jiġu evitati ċerti konsegwenzi.

3.8

B'mod aktar ġenerali, il-KESE jfakkar li l-bini ta' spazju penali Ewropew jitlob li fl-istess waqt jissaħħu d-drittijiet ta' difiża, partikolarment fil-qafas tal-Eurojust u l-Europol, biex tiġi sodisfatta l-eżiġenza ta' rispett tad-drittijiet fundamentali sanċiti fit-Trattati (Artikolu 67(1) u Artikolu 83(3) tat-TFUE).

3.9

Bħala istituzzjoni li tirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Ewropea, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawk li jwettqu r-reat jistgħu jkunu ċittadini li fil-bidu jkunu bona fede, u li wara li jkunu rċevew flus foloz mingħajr ma ndunaw, jsibu ruħhom fil-pożizzjoni li jkollhom bżonn jeħilsu minnhom. Filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li jintefa' piż sproporzjonat fuq dawn il-persuni li minn vittmi jsiru “delinkwenti” mingħajr ma jafu, il-KESE jqis li l-intenzjoni wara l-aġir hija element primordjali li jrid jitqies, ħaġa li l-proposta ta' Direttiva ma tenfasizzax biżżejjed fil-premessi tagħha.

3.10

Il-KESE jagħraf li l-gradazzjoni tas-sanzjonijiet prevista f'din il-proposta skont l-ammont issekwestrat (Artikolu 5(2) b'mod partikolari) tippermetti parzjalment li jiġu kkunsidrati dawn il-każijiet imsemmijin. Iżda fil-fehma tiegħu, il-proposta ta' Direttiva ma tħarisx mir-riskju ta' theddid gravi għal-libertajiet individwali. Fil-fatt hija donnha ma tqisx id-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi ġuridiċi fi ħdan l-UE u b'mod speċjali, is-sistemi partikolari ta' investigazzjoni, li fihom persuna li tkun qed tiġi investigata, anke f'każ ta' reat minuri, tista' tinżamm mill-pulizija għal żmien mhux qasir qabel ma tidher quddiem l-imħallef.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Rigward id-dispożizzjoni li tistabbilixxi livell minimu ta' piena ta' sitt xhur ħabs (Artikolu 5(4) tal-proposta), u peress li din hija l-miżura ewlenija tal-proposta li għandha l-għan li tindirizza l-kwistjoni tal-“forum shoppping”, il-KESE jiddubita dwar l-utilità tagħha peress li direttiva – li fid-definizzjoni tagħha tindirizza lil-leġislatur u mhux lill-imħallef – ma tistax timponi l-għotieffettiv ta' din il-piena. F'dan ir-rigward, il-KESE jinnota b'sodisfazzjon li r-ragunijiet mogħtija jiġbdu l-attenzjoni għall-prinċipju tal-ħtieġa tal-individwalizzazzjoni tal-pieni - prinċipju sanċit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea - u ta' libertà sħiħa tad-diskrezzjoni tal-imħallef.

4.2

Barra minn hekk, il-KESE jrid iżid li l-previżjoni ta' piena minima, anke jekk m'hijiex obbligatorja, tmur kontra t-tradizzjoni ġuridika ta' xi Stati Membri li ma jipprevedux piena minima, ħlief meta dan ikun obbligatorju.

4.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Artikolu 9 tal-proposta jinbdel kif ġej: “Għall-aktar reati gravi ta' falsifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni, l-unitajiet jew is-servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni jkollhom aċċess għal għodod investigattivi effikaċi, bħal dawk li jintużaw f'każijiet ta' kriminalità organizzata jew forom oħra ta' kriminalità serja”.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Kif dan seta' kien il-każ għall-mandat ta' arrest Ewropew (ara f'dan ir-rigward D.Rebut, Droit pénal international, Dalloz, “Précis”, 2012, nru 516, p. 311)


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — L-introduzzjoni ta’ Strument ta’ Konverġenza u Kompetittività”

COM(2013) 165 final

u dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina — Koordinazzjoni ex ante ta’ għal riformi maġġuri ta’ politika ekonomika”

COM(2013) 166 final

2013/C 271/08

Relatur Ġenerali: is-Sur CROUGHAN

Nhar l-14 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina - L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività

COM(2013) 165 final

U l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina - Koordinazzjoni ex ante ta' għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika

COM(2013) 166 final.

Nhar is-16 ta' April 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju) li jaħtar lis-Sur CROUGHAN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'152 vot favur, 8 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' b'riserva ż-żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni: Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina – L-introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI)  (1) u Koordinazzjoni ex ante ta' pjanijiet għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika  (2). Dawn ikomplu d-dibattitu dwar żewġ kwistjonijiet li tqajmu fil-Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina: It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew  (3), sabiex jitlesta l-qafas ta' governanza għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

1.2

Il-Kumitat jiddispjaċih li dawn jipprovdu biss ftit iżjed dettall għall-kunċetti li diġà ġew spjegati fil-pjan ta' azzjoni, u għaldaqstant huwa diffiċli li ssir valutazzjoni.

1.3

Il-Kumitat huwa inkwetat li l-aġenda dwar l-istrumenti ta' governanza ekonomika – li tinkludi l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, il-patt fiskali, il-pakkett ta' sitt proposti leġislattivi, it-“two-pack”, l-Ewropa 2020, is-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR), il-Programmi ta' Stabbilità u ta' Konverġenza, ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, il-Programmi ta' Defiċit Eċċessiv, il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, eċċ. – li diġà hija mimlija mhux ħażin, saret aktar kumplessa, b'relattivament ftit valur miżjud.

1.4

Filwaqt li jirrikonoxxi li dawn iż-żewġ proposti jistgħu jkunu ta' għajnuna għal dawk l-Istati Membri li jinsabu f'diffikultà, il-Kumitat jinsab imħasseb li jista' jixxekkel jew jiddewwem l-impatt tagħhom fuq l-irkupru tat-tkabbir u l-kapaċità għaż-żoni li l-aktar għandhom bżonn peress li l-punt fokali ta' tħassib hu li l-miżuri li jittieħdu għandhom jibbenefikaw ukoll iż-żona tal-euro kollha kemm hi.

1.5

Il-Kumitat jinsab xettiku li l-Istati Membri jistgħu jaqblu li jintroduċu strument finanzjarju ġdid biex jiffinanzjaw l-Istrument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI) u mhuwiex ċar x'valur miżjud iġib miegħu għall-fondi strutturali eżistenti.

1.6

Il-Kumitat jistaqsi kemm, mil-lat ta' sustanza, il-koordinazzjoni ex ante proposta ser iżżid mas-Semestru Ewropew u x'piż addizzjonali ta' burokrazija ser ikun implikat.

1.7

Il-Kumitat huwa mħasseb li l-filtri użati għal koordinazzjoni ex ante jistgħu jinterferixxu mat-teħid ta' miżuri ta' riforma minn Stat Membru peress li dawn jibdlu l-kompetittività relattiva fi Stat Membru ieħor.

1.8

Il-Kumitat jemmen li m'hemmx lok għal effetti sekondarji permezz ta' swieq finanzjarji fil-koordinazzjoni ex ante, u kull sforz għandu jkun immirat minflok lejn it-twaqqif ta' Unjoni Bankarja.

1.9

Il-Kumitat jemmen li l-proposti li għandhom l-għan li l-UEM issir iktar profonda huma ta' importanza kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea; għalhekk, il-Kumitat jixtieq ikompli d-dibattitu u jagħmel proposti fil-ġejjieni hekk kif ikun hemm żviluppi.

2.   L-Introduzzjoni ta' Strument ta' Konverġenza u Kompetittività (CCI)

2.1

Kuntest: F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li ser ikun disponibbli ftehim kuntrattwali u mekkaniżmu ta' solidarjetà bi qbil reċiproku għal dawk l-Istati Membri taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà li jeħtieġu riformi strutturali nazzjonali għall-kompetittività u t-tkabbir iżda li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom ikollha effett indirett negattiv fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Din ser tkun sistema dedikata ta' appoġġ finanzjarju, li għall-bidu ser tkun finanzjata mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u eventwalment minn fond/strument finanzjarju ġdid ibbażat fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG), li għandu jibni l-kapaċità fiskali.

2.2

Il-Kumitat isibha diffiċli jiġġudika l-merti tas-CCI propost mingħajr kwantifikazzjoni tad-daqs propost jew ta' kwalunkwe valutazzjoni dwar kemm fond bħal dan huwa aċċettabbli għall-Istati Membri. Il-proposta li l-fond jiġi għall-bidu mill-QFP tissuġġerixxi li dan ser ikun żgħir u b'impatt żgħir.

2.3

Minħabba d-diffikultà kbira fin-negozjar tal-QFP 2014-2020, il-Kumitat jinsab xettiku li l-Istati Membri ser jaqblu dwar l-għan ta' introduzzjoni ta' strument finanzjarju ġdid sabiex nimxu lejn kapaċità fiskali akbar fuq il-bażi tad-DNG sabiex jiġi ffinanzjat is-CCI.

2.4

Il-Kumitat jaqbel li mekkaniżmu ta' konverġenza li huwa ta' benefiċċju reċiproku u li jħaffef għandu l-mertu tiegħu, iżda għandu dubju kemm huwa neċessarju li jiġi introdott strument ġdid – is-CCI – meta mhuwiex ċar kif dan ser iżid il-valur tal-fondi strutturali eżistenti bħalma huma l-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

2.5

In-natura kuntrattwali tal-istrument propost tidher biss ftit differenti min-natura kuntrattwali li diġà teżisti fl-iżborż tal-fondi strutturali. Jinħtieġu xi eżempji konkreti ta' liema tip ta' proġetti b'effetti indiretti ser jikkwalifikaw u kif dawn jistgħu jkunu differenti mill-proġetti diġà ffinanzjati taħt fondi oħra. Il-KESE jinsab imħasseb li jekk ma jinkisibx riżultat fir-rigward ta' ċerti proġetti taħt is-CCI, dan jista' jkollu konsegwenzi oħra għall-finanzjament ta' proġetti li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-PNR. Huwa importanti li dan l-istrument propost iżid valur viżibbli u mhux jirriżulta f'saff burokratiku ieħor.

2.6

Is-CCI huwa maħsub bħala strument għaż-żona tal-euro, fejn konverġenza ekonomika akbar hija essenzjali għall-funzjonament taż-żona euro. Peress li l-Fond probabbilment ikun wieħed żgħir, il-Kumitat jissuġġerixxi li dan ikun immirat speċifikament lejn dawk l-Istati Membri fiż-żona euro li jinsabu f'diffikultà, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu appoġġjati l-proġetti b'impatt transkonfinali partikolarment pożittiv. Dan għandu jkun immirat b'mod speċjali lejn dawk il-pajjiżi li l-iżbilanċi ekonomiċi tagħhom huma meqjusa ta' periklu partikolari għall-funzjonament taż-żona euro. Mhuwiex ċar għalfejn Stati Membri fi programm ta' aġġustament ser ikunu esklużi minn din il-forma ta' appoġġ peress li huma, b'mod evidenti, dawk li jeħtieġu għajnuna finanzjarja l-aktar.

2.7

Jekk is-Semestru Ewropew jiffunzjona kif suppost u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jsiru l-oġġett ta' dibattitu parlamentari nazzjonali, imbagħad ikun neċessarju li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-gvern nazzjonali li jiffirma ftehim kuntrattwali taħt dan is-CCI propost l-ewwel jiddiskutih fil-parlament skont il-prattika f'dak l-Istat Membru, bħalma jiġi diskuss kwalunkwe programm ta' fond strutturali. Il-Kummissjoni tista' tiġi mistiedna tiddibatti jew tindirizza l-korpi nazzjonali/lokali. Fid-diskussjonijiet għandha tiġi involuta s-soċjetà ċivili, partikolarment l-imsieħba soċjali, bħalma jseħħ fi proġetti konġunti oħra bejn l-UE u l-gvern nazzjonali. Għandu jiġi previst biżżejjed ħin sabiex il-parlamenti u s-soċjetà ċivili, partikolarment l-imsieħba soċjali, ikunu jistgħu jipparteċipaw.

3.   Koordinazzjoni ex ante għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika

3.1

Kuntest: F'din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinfurmana li l-kunċett ta' koordinazzjoni ex ante għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika ġie introdott fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-qafas attwali tal-UE dwar is-sorveljanza ekonomika jinkludi proċess għall-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, iżda ma jipprovdix diskussjoni u koordinazzjoni ex ante strutturata ta' pjanijiet ta' riforma ekonomika maġġuri. Din il-Komunikazzjoni hija kontribut għad-dibattitu bejn il-partijiet interessati, b'mod speċjali l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, u l-parlamenti nazzjonali dwar modi kif tiġi implimentata koordinazzjoni ex ante.

3.2

Il-Kumitat huwa tal-fehma li kwalunkwe titjib sinifikanti fil-koordinazzjoni ta' politika ekonomika huwa mixtieq, u fiż-żona tal-euro hija neċessità. Il-Kumitat jilqa' l-komunikazzjoni per se, filwaqt li jirrikonoxxi li l-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri individwali hija 'l bogħod sew minn governanza ekonomika ġenwina. Waħda mill-problemi fil-valutazzjoni tal-proposti hija li l-Komunikazzjoni ma tipprovdix dettall biżżejjed dwar x'jikkostitwixxi “riforma maġġuri ta' politika ekonomika”. X'inhu meqjus maġġuri? X'inhu minuri? Ir-riformi ewlenin elenkati għall-kunsiderazzjoni jinkludu kważi kull aspett tas-Suq Uniku, inkluż is-sostenibbiltà finanzjarja u fiskali.

3.3

Il-Kumitat jistaqsi kif din l-inizjattiva l-ġdida dwar il-koordinazzjoni għal riformi maġġuri ta' politika ekonomika ser tkun differenti fis-sustanza mill-komponenti tas-Semestru Ewropew tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-pajjiżi. Għandu jkollha valur miżjud viżibbli fl-iskeda tas-Semestru Ewropew, li diġà hija mimlija sew. Mill-perspettiva tat-trasparenza u s-sempliċità jkun importanti wkoll li ma jiżdiedx saff ieħor ta' sorveljanza, eċċ. Il-Kumitat jemmen li dan il-proċess għandu jiġi inkorporat fis-Semestru Ewropew u l-PNR, li għandhom jingħataw aktar setgħat; il-koordinazzjoni ex ante tista' tkun mod tanġibbli kif jinkiseb dan.

3.4

Il-Kumitat jaċċetta li jista' jkun ta' benefiċċju taħt din il-proposta ġdida li wara jintlaħaq ftehim ma' Stat Membru dwar is-CSR tagħha, il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jissuġġerixxu modifiki għall-pjani ta' riforma tal-Istat Membru jekk ikun mistenni li din l-implimentazzjoni jista' jkollha impatt negattiv fuq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja jew l-Istati Membri l-oħra. Madankollu, għal-leġittimità demokratika, il-proċess jirrispetta s-setgħat nazzjonali ta' teħid ta' deċiżjoni u d-deċiżjoni dwar il-pjan ta' riforma tibqa' f'idejn l-Istat Membru nnifsu. Hemm bżonn li jiġu previsti kemm il-possibbiltà li l-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, speċjalment l-imsieħba soċjali, jiġi involuti fil-konsultazzjonijiet kif ukoll li jkun hemm biżżejjed ħin biex isir dan. Barra minn hekk għandu jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali jadottaw id-deċiżjoni finali relatata mal-implimentazzjoni tar-riformi. Il-Kumitat jinsab imħasseb li din ir-referenza għal-leġittimità demokratika hija aktar superfiċjali milli reali peress li f'partijiet oħra fil-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet fejn il-Kunsill jikkonkludi li Stat Membru ma ħax l-azzjoni korrettiva rakkomandata.

3.5

L-iskop tal-koordinazzjoni ex ante huwa li jiġu massimizzati l-effetti sekondarji pożittivi tal-pjanijiet għal riforma maġġuri ekonomika minn Stat Membru għal Stati Membri oħra u li jiġi minimizzati l-effetti indiretti negattivi. Din tipproponi sistema ta' tliet filtri bbażati fuq il-kanali ewlenin li minnhom jiġu trażmessi l-effetti sekondarji. Dawn joħolqu ċertu tħassib għall-Kumitat.

3.6

L-ewwel filtru huwa l-kummerċ u l-kompetittività. Jekk Stat Membru jieħu miżuri ta' riforma ta' suċċess biex itejjeb il-pożizzjoni ta' kompetittività tiegħu, mhuwiex eskluż li dan it-titjib ser ikun għad-detriment ta' Stati Membri oħra. Il-Komunikazzjoni għandha tispjega bir-reqqa u fid-dettall taħt liema kundizzjonijiet ser tintervjeni l-Kummissjoni biex tiddiswadi Stat Membru milli jieħu dawn il-miżuri. Barra minn hekk, dan huwa biss approċċ unilaterali? Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel rakkomandazzjonijiet lil Stat Membru li fil-passat kien ħa miżuri biex itejjeb il-kompetittività tiegħu u li issa rriżultaw f'eċċessi kbar li huma ta' detriment għaż-żona tal-euro?

3.7

Il-Kumitat jiddubita kemm it-tieni filtru – li jikkonċerna effetti sekondarji permezz tas-swieq finanzjarji – għandu lok hawnhekk. Il-Kumitat jemmen li jkun ħafna aktar effettiv jekk ir-riżorsi kollha disponibbli jiġu mmirati sabiex l-implimentazzjoni tat-twaqqif ta' Unjoni Bankarja li tiffunzjona tipproċedi kif skedat.

3.8

It-tielet filtru, dak tal-kunsiderazzjonijiet tal-ekonomija politika u “l-oppożizzjoni domestika għar-riforma”, jeħtieġ spjegazzjoni. It-“tagħlim reċiproku” u l-“iskambju tal-aqwa prattika” mistennija - għad li fihom infushom huma ta' valur - huma fil-periklu li jkunu ineffettivi daqs l-Aġenda ta' Lisbona.

3.9

Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn argumenti iktar sodi li r-riformi koperti mill-koordinazzjoni ex ante għandhom jinkludu oqsma fejn l-UE m'għandhiex kompetenza. Id-difiża għal dan l-argument – jiġifieri li d-deċiżjoni tibqa' kollha kemm hi mal-Istat Membru – hija fjakka fid-dawl tal-proċeduri ta' żbilanċ makroekonomiku msemmija hawn fuq.

3.10

Fil-qafas tal-koordinazzjoni ex-ante, għandu jkun hemm dimensjoni soċjali, immirata speċjalment lejn l-impatti tar-riformi ekonomiċi maġġuri fuq il-livell tal-qgħad.

Brussell, 22 ta' Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 165 final.

(2)  COM(2013) 166 final.

(3)  COM(2012) 777 final.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online”

COM(2012) 596 final

2013/C 271/09

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn qafas Ewropew komprensiv għal-logħob tal-azzard online

COM(2012) 596 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’122 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkonferma u jtenni dak li diġà qal fl-Opinjoni tiegħu (1) dwar il-Green Paper dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-suq intern (2), u jinnota li l-Kummissjoni laqgħet parti biss mill-konklużjonijiet maħruġa. Jenfasizza b’mod partikolari li l-ġlieda kontra l-logħob illegali, li huwa t-theddida prinċipali għall-protezzjoni tal-konsumatur, mhijiex il-prijorità tal-Komunikazzjoni.

1.2

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra, fost il-prijoritajiet li l-Komunikazzjoni għandha l-intenzjoni li twieġeb dwarhom, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-protezzjoni tal-impjiegi fis-settur, il-kwalità tagħhom u t-telf potenzjali tal-impjiegi tal-logħob tal-azzard fiżiku għal benefiċċji ta' dak onlajn.

1.3

Il-logħob tal-azzard jikkontribwixxi għal żieda fid-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri. Permezz tal-lotteriji nazzjonali u l-casinos, il-finanzjament ta’ kawżi tajba jappoġġja attivitajiet għall-ġbir ta’ flus għall-karità u dawk soċjali u sportivi, il-promozzjoni tat-turiżmu u jissalvagwardja l-patrimonju kulturali, artistiku u arkeoloġiku. Il-KESE jemmen li kull attività fil-logħob fil-livell Ewropew għandha sseħħ skont mudell soċjali Ewropew li jippermetti li ċ-ċittadini jiddevertu b’mod san u bbilanċjat.

1.4

Il-KESE jesprimi tħassib qawwi dwar ir-riskji għoljin għas-saħħa pubblika li l-logħob tal-azzard iġib miegħu. Għalhekk, jikkonferma t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex isiru riċerka u monitoraġġ fit-territorju kollu tal-UE dwar id-dipendenzi u l-mard marbuta mal-logħob onlajn, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw parti mit-taxxi miġbura għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri preventivi u trattamenti terapewtiċi kontra l-mard assoċjat mal-logħob.

1.5

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva u tagħmel skambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u prattiki tajba fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji.

1.6

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-għan li kull Stat Membru għandu jkollu awtorità regolatorja b’kompetenzi preċiżi u li tiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ekwivalenti tal-Istati l-oħra.

1.7

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinstab ekwlibriju bejn il-karattru ta' teknoloġija għolja u għalhekk transkonfinali tas-settur u r-riskji konnessi miegħu marbuta mal-ordni pubbliku u soċjali, il-legalità, it-trasparenza u s-saħħa taċ-ċittadini permezz ta' inizjattivi iktar vinkolanti mir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni.

1.8

Il-KESE jinnota li attwalment mhix konċepibbli leġislazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-logħob tal-azzard onlajn. Filwaqt li jappoġġja l-inizjattivi li l-Kummissjoni qed tipproponi għal kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri, il-Kumitat jittama li f’ċerti oqsma, li għalihom il-kompetenzi huma kondiviżi, taġixxi bi strumenti leġislattivi aktar effikaċi, preferibbilment direttivi, sabiex jipproteġu lill-konsumaturi u l-gruppi l-aktar vulnerabbli u jiġġieldu kontra l-operaturi illegali u kontra l-ħasil tal-flus.B'dan il-mod jinħoloq sett ta' liġijiet minimi għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Hemm bżonn li l-Istati Membri jibqa' jkollhom id-dritt li jistabilixxu standards iktar għolja għall-protezzjoni tal-konsumaturi għas-suq nazzjonali tagħhom jekk jixtiequ, u li jkomplu japplikaw il-liġijiet iktar favorevoli li diġà hemm (3).

Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jintervjenu, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-każijiet li ġejjin:

il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini, speċjalment tal-minorenni u tal-gruppi vulnerabbli;

reklamar responsabbli;

miżuri kontra l-logħob tal-imħatri frodulenti marbuta mal-isports;

garanziji ta’ legalità u trasparenza tal-logħob onlajn flimkien mal-impenn tal-Istati Membri li jintroduċu sanzjonijiet adegwati li jipprovdu, f’każ ta’ ksur, l-imblukkar, l-għeluq, is-sekwestru jew it-tneħħija tas-siti illegali.

1.9

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni laqgħet it-talba tiegħu biex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kontra l-ħasil tal-flus jiġi estiż għat-tipi kollha tal-logħob tal-azzard (4).

1.10

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-possibbilitajiet li joffri r-regolament għall-użu tal-IMI (5) u jittama li dan iservi biex titjieb il-kooperazzjoni amministrattiva bejn ir-regolaturi nazzjonali u l-iskambju ta’ data bejn il-korpi rilevanti nazzjonali u Ewropej.

1.11

Il-KESE jemmen li l-valutazzjoni li ser twettaq il-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ skambju tad-data personali bejn l-Istati Membri hija pożittiva billi l-parti l-kbira tad-data rreġistrata mill-operaturi tista’ tiġi kondiviża b’mod li tkun tista’ tiġi mqabbla ma’ data oħra u b’hekk jiġu ffaċilitati l-kontrolli li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti.

1.12

Il-KESE jqis essenzjali li l-Istati Membri, flimkien mar-regolaturi, iniedu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni għall-konsumaturi biex jindirizzaw id-domanda għal-logħob onlajn legali. Din l-azzjoni għandha tkun ikkompletata permezz ta’ miżuri li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali bħal pereżempju l-pubblikazzjoni ta’ listi suwed u/jew bojod imfassla mir-regolaturi nazzjonali sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħrfu aħjar is-siti awtorizzati, bis-saħħa tal-logo tal-awtorità regolatorja nazzjonali fuq il-homepage tas-sit tal-imħatri u dawk illegali.

1.13

Biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-konsumatur, il-KESE jitlob li s-software li jintuża għal-logħob tal-azzard onlajn ikollu ċertifikazzjoni minima komuni tal-UE maħruġa minn entitajiet esterni speċjalizzati abbażi tal-istess standards u parametri. Barra minn dan, jistieden lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri jadottaw standard minimu Ewropew għall-pjattaformi tal-IT tal-logħob tal-azzard u jappella lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri għall-protezzjoni tad-data tal-lagħaba u jawtorizzaw biss il-mezzi ta’ pagament li joffru l-aħjar garanziji ta’ sigurtà u traċċabilità fit-transazzjonijiet marbuta mal-logħob onlajn.

1.14

Il-KESE jqis pożittiv ħafna l-esperiment li niedet il-Kummissjoni bit-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti tal-logħob onlajn, li jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin tagħhom dwar iċ-ċiberkriminalità, għaliex għalkemm għadu fi stadju bikri ħafna, dan huwa strument utli biex tinħoloq kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri. Il-KESE jittama li n-natura informali attwali ta’ dan il-grupp tinbidel sabiex il-grupp jiżviluppa f’wieħed b’setgħat u kompiti ċari.

1.15

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jippromovu t-taħriġ adegwat tal-ġudikatura fir-rigward tal-kwistjonijiet inerenti fil-frodi u l-ħasil tal-flus marbutin mal-logħob tal-azzard.

1.16

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha taġġorna u tirrevedi r-regoli stabbiliti fiha li jirrigwardjaw l-interventi li għandhom isiru, fid-dawl tal-iżviluppi fl-implimentazzjoni tar-regoli min-naħa tal-Istati Membri – liema minnhom implimentaw u kif, u x’inhuma r-riżultati miksuba fil-livell nazzjonali.

1.17

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jagħtu mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja u tappoġġja attivament l-abbozz ta’ konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-integrità sportiva, li n-negozjati tagħha ser jitnedew fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa.

2.   Daħla

2.1

Il-Komunikazzjoni tindirizza kemm il-ħtieġa li tiġi rispettata l-leġislazzjoni Ewropea dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll dik tal-protezzjoni ta’ gruppi partikolari.

2.2

L-użu tal-istrumenti tal-IT b’aċċess dirett għan-netwerks ippermetta żieda qawwija fil-logħob tal-azzard onlajn, li qed jikber b’rata mgħaġġla. Fl-2011, id-dħul totali fl-UE mil-logħob tal-azzard onlajn fis-27 pajjiż kien ta’ EUR 9,3 biljun, li huma ekwivalenti għal 10,9 % tas-suq Ewropew tal-logħob tal-azzard, u huwa stmat li sal-2015 din iċ-ċifra ser tiżdied għal EUR 13-il biljun.

2.3

Bis-saħħa tal-internet, iċ-ċittadin Ewropew jista’ fil-fatt ikollu aċċess u jkun espost, fl-Istat ta’ residenza tiegħu, għas-servizzi illegali offruti minn wieħed jew aktar mill-operaturi awtorizzati b’liċenzja fi Stat ieħor, Stat Membru jew mhuwiex. Minħabba n-natura ekstraterritorjali u internazzjonali ta’ din is-sitwazzjoni, ma tistax tiġi indirizzata mill-Istati individwali, imma jinħtieġ intervent integrat u kooperazzjoni akbar. Sabiex jiġu mħarsa ċ-ċittadini u l-konsumaturi huwa essenzjali li tiġi adottata definizzjoni komuni tal-logħob illegali. Intennu li l-provvista mhux awtorizzata ta’ logħob fil-pajjiż ta’ residenza tal-lagħaba, jew l-offerta ta' logħob mingħajr il-liċenzja nazzjonali mitluba hija illegali, anke jekk is-servizz ikun provdut minn operatur ibbażat jew awtorizzat f’pajjiż tal-UE jew pajjiż terz (6). Bl-istess mod li bih huwa illegali l-operatur li la hu kontrollat u lanqas regolamentat.

2.4

Rigward id-differenza bejn “operatur mhux awtorizzat” u “operatur illegali”, ikkonsulta n-nota 15 tal-Komunikazzjoni.

2.5

Jitqies pożittiv li l-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki bejn l-Istati Membri, l-istudju tal-problemi li jinħolqu minħabba l-logħob illegali, it-taħriġ speċifiku u aġġornat tal-ġudikatura, it-titjib fl-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi u ż-żieda fid-disponibbiltà tal-logħob legali.

2.6

Dawn l-interventi huma l-ewwel pass utli fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali involuti fi frodi, il-kriminalità u l-ħasil tal-flus.

3.   Sommarju tad-dokument tal-Kummissjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni tenfasizza d-differenzi li hemm bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali, u tipproponi azzjonijiet li jistabbilixxu miżuri prijoritarji fil-livell nazzjonali u tal-UE u azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati. Il-Komunikazzjon tindika l-miżuri possibbli u tagħmel rakkomandazzjonijiet, mhux l-anqas fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-integrazzjoni amministrattiva bejn l-Istati.

3.2

L-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li l-leġislazzjoni Ewropea tiġi mħarsa u applikata mil-leġislazzjonijiet nazzjonali permezz ta’ azzjonijiet diretti u rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser:

tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-logħob tal-azzard fl-Istati Membri;

teżamina l-proċeduri possibbli għall-imblukkar tas-siti illegali;

tippromovi s-suq legali tal-logħob tal-azzard, anke permezz ta’ djalogu mal-pajjiżi terzi;

tipproteġi l-konsumaturi, b’mod partikolari l-minorenni u l-gruppi vulnerabbli, anke permezz ta’ kontrolli fuq l-istrumenti li jikkontrollaw l-aċċess għall-internet;

tistudja l-effetti tal-vizzju tal-logħob tal-azzard fil-livell Ewropew;

tevalwa l-prestazzjoni tas-suq tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

tadotta r-rakkomandazzjonijiet dwar il-prattiki tajba għall-prevenzjoni tal-imħatri illegali u l-ġlieda kontrihom.

3.3

Il-Kummissjoni ttenni li huwa fl-interess tal-Istati Membri li jistabbilixxu politika effikaċja kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus, u li jipproteġu l-integrità tal-isports kontra l-fenomenu tal-logħob, partiti u kompetizzjonijiet mixtrijin, anke permezz tal-iskambju tal-esperjenzi fir-rigward tal-kriminalità u n-netwerks tal-IT.

4.   Kummenti

4.1   Inġibu l-leġislazzjoni nazzjonali konformi mal-liġi tal-UE

4.1.1

L-ewwel nett, il-KESE jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-logħob tal-azzard onlajn u ż-żieda esponenzjali tal-offerta tal-logħob, li numru dejjem jiżdied tal-popolazzjoni qed jipparteċipa fih b’konsegwenzi serji fuq id-dħul tal-familji. Għalhekk hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet effettivi fuq it-tipi diversi ta’ reklamar, b’mod partikolari dak televiżiv, onlajn u fuq il-mezzi tat-trasport.

4.1.2

Il-provvista u l-użu tas-servizzi transnazzjonali tal-logħob tal-azzard huma attività ekonomika li hija koperta mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu previst fis-suq intern (Artikolu 56 tat-TFUE). Minkejja dan, l-Artikolu 52(1) tat-TFUE jippermetti restrizzjonijiet fuq il-provvista libera tas-servizzi garantiti mill-Artikolu 56 għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

4.1.3

Il-KESE jfakkar li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija tal-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-logħob tal-azzard fit-territorju tagħhom. Il-logħob huwa attività potenzjalment perikoluża ħafna għall-konsumaturi u huwa ugwalment suxxettibbli għall-użu kriminali, bħall-ħasil tal-flus, jekk dan ma akunx regolat kif suppost jew jekk ir-regolamentazzjoni ma tkunx infurzata b’mod strett. F’dan il-kuntest, għalkemm il-logħob tal-azzard huwa kopert mil-libertà fil-provvista tas-servizzi, skont l-Artikolu 49 KE (7), attwalment ma tistax tiġi prevista leġislazzjoni tal-UE dwar il-logħob tal-azzard onlajn minħabba d-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali. Filwaqt li jappoġġja l-inizjattivi li qed tipproponi l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kooperazzjoni effikaċi bejn l-Istati Membri, il-KESE jittama li f’ċerti oqsma (ara 1.8), ikun hemm strumenti aktar effettivi – preferibbilment direttivi – għall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, u kontra l-operaturi illegali u l-ħasil tal-flus.

4.1.4

Skont ġurisprudenza abbundanti stabbilita fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard jistgħu jkunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitament taċ-ċittadini sabiex jonfqu ammonti eċċessivi ta’ flus fuq il-logħob (8). L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jillimitaw il-provvista transkonfinali tas-servizzi tal-logħob tal-azzard kollha jew ta' wħud minnhom bil-għan li tingħata protezzjoni mil-logħob tal-azzard fl-interess pubbliku (9).

4.1.5

Is-servizzi tal-logħob tal-azzard mhumiex suġġetti għal leġislazzjoni uniformi fl-UE u l-leġislazzjonijiet nazzjonali jvarjaw b’mod sinifikanti minħabba l-karatteristiċi kulturali, soċjali u storiċi ta’ kull pajjiż. Uħud mill-Istati Membri ma jippermettux logħob onlajn, oħrajn jippermettu biss ċertu logħob, u oħrajn għandhom monopolju mmaniġġjat esklużivament minn operatur pubbliku jew privat. Fin-nuqqas ta’ data aġġornata dwar is-sitwazzjonijiet diversi nazzjonali (10), il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex twettaq eżerċizzju ta’ pjan dettaljat (mapping exercise) bejn l-Istati Membri.

4.1.6

Kif għamlet ċar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri li jagħżlu l-liberalizzazzjoni kontrollata tas-settur, jistgħu leġittimament jistabbilixxu skema għall-permessi – li tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni amministrattiva – ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u li ma jiddiskriminawx kontra n-nazzjonalità (11).

4.1.7

Peress illi fil-logħob tal-azzard onlajn ma hemmx relazzjoni diretta bejn il-konsumatur u l-operatur, ir-riskju tal-frodi min-naħa tal-operatur għad-dannu tal-konsumatur huwa akbar (12). Id-disponibbiltà tas-servizzi tal-logħob illegali, u b’hekk mhux kontrollati, hija theddida serja għall-konsumaturi. Għalhekk, l-applikazzjoni rigoruża mill-Istati Membri tal-miżuri li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali tipprovdi l-garanzija primarja u l-aħjar strument għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

4.1.8

L-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-azzard u jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni. Minkejja dan, ir-restrizzjonijiet li jimponu jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji, u jiffurmaw parti minn politika li hija applikata b’mod sistematiku u koerenti.

4.1.9

Peress illi l-leġislazzjoni fl-Istati Membri individwali tvarja, u li s'issa impossibbli ssir regolamentazzjoni tal-UE tal-logħob tal-azzard onlajn, hemm bżonn li ssir armonizzazzjoni tal-liġijiet u l-Istati Membri hemm bżonn jiġu megħjuna jinfurzaw ir-rispett tal-liġijiet eżistenti biex tiġi garantita ċertezza tad-dritt akbar fl-ambitu tal-konsumaturi, tal-minorenni u l-gruppi vulnerabbli, tar-reklamar u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu skambju tal-prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali.

4.1.10

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-UE għandha tieħu azzjoni meta l-aġir tagħha jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni u tiggarantixxi valur miżjud fis-sistemi ta’ regolamentazzjoni tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur u tat-tibdiliet marbuta mal-użu tal-internet, il-KESE huwa tal-fehma li din l-azzjoni tal-UE għandha ssir permezz ta’ kooperazzjoni kontinwa bejn l-Istati Membri u l-promozzjoni ta’ prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-operaturi illegali, ġlieda li tirrikjedi azzjoni transnazzjonali.

4.2   Kooperazzjoni amministrattiva u l-applikazzjoni effettiva tal-liġi

4.2.1

L-UE għandha ssaħħaħ il-kontroll, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-applikazzjoni reali tal-liġi dwar il-logħob tal-azzard onlajn, u l-Istati jridu jikkollaboraw bejniethom biex jitwettaq dan.

4.2.2

Sabiex il-kontrolli jkunu faċilitati, huwa importanti li d-data personali rreġistrata mill-operaturi tkun disponibbli u kondiviża, filwaqt li tkun garantita l-protezzjoni tagħha. Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni ġenerali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għandha tiġi mħeġġa sabiex isir l-aħjar skambju ta’ għarfien u esperjenzi biex jinħoloq sens reċiprokuta’ fiduċja u interess.

4.2.3

Iċ-ċertifikazzjoni tal-pjattaformi tal-IT remoti tal-logħob fil-livell nazzjonali tiggarantixxi s-sorveljanza tas-suq tal-logħob tal-azzard. Huwa importanti li ssir kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membru u li f’kull Stat tiġi stabbilita awtorità li tirregola l-logħob tal-azzard onlajn b’kompetenzi preċiżi u li tssigura koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE.

4.2.4

Hemm bżonn li tiġi evalwata l-koerenza tal-politiki nazzjonali mal-leġislazzjoni u l-ġurisprudenza tal-UE, kif ukoll it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni tas-sistemi ta’ liċenzjar. F’każ ta’ nonkonformità, għandu jkun hemm proċeduri ta’ ksur.

4.2.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-miżuri preventivi u repressivi li ġew adottati sa issa mill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-logħob tal-azzard onlajn, provdut minn operaturi mingħajr liċenzja, jiġifieri illegali, mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw din il-problema. Għalhekk jissuġġerixxi t-tfassil ta’ qafas regolatorju nazzjonali ta’ prinċipji li jiggarantixxi l-legalità u t-trasparenza tas-siti, u li jipprevedi: l-identifikazzjoni tas-siti awtorizzati skont il-leġislazzjoni proprja ta’ Stat Membru u l-inklużjoni tagħhom f’“lista bajda”; l-imblukkar, l-għeluq, is-sekwestru u t-tneħħija tas-siti illegali (13); l-imblukkar tal-flussi finanzjarji minn u lejn dawn is-siti; il-projbizzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali u r-reklamar tal-logħob illegali.

4.3   Il-konsumaturi

4.3.1

Il-KESE jiddispjaċih li t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal miżuri inċiżivi li jiġġieldu b’mod effettiv kontra l-operaturi illegali, li huma l-akbar theddida għall-konsumaturi, tħalliet mingħajr risposta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk jerġa’ jitlob li jiġu adottati mill-aktar fis possibbli miżuri inċiżivi biex jiġu mwettqa prattiki tajba fir-rigward tal-prevenzjoni tal-logħob illegali u l-ġlieda kontrih.

4.3.2

Il-Kummissjoni tipprevedi li, fl-2013, tadotta rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u r-reklamar reponsabbli tal-logħob tal-azzard u tiddentifika erba’ oqsma ta’ azzjoni: li tbiegħed lill-konsumaturi mis-servizzi mhux regolati u li huma potenzjalment ta’ dannu; tipproteġi lill-minorenni mill-aċċess għas-siti; tipproteġi l-gruppi vulnerabbli l-oħra u timpedixxi l-iżvilupp ta’ mard marbut mal-logħob tal-azzard. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f’din ir-rakkomandazzjoni l-prattiki tajba fir-rigward tal-ġlieda kontra l-logħob illegali u l-prevenzjoni tiegħu, wara li ssir evalwazzjoni fil-livell ta’ kull Stat Membru dwar it-tipi ta’ logħob l-aktar ta’ ħsara għall-konsumaturi.

4.3.3

Il-KESE japprezza l-attenzjoni li ngħatat fil-Komunikazzjoni lill-protezzjoni tal-konsumaturi u l-gruppi ta’ persuni vulnerabbli, anke fir-rigward tar-reklamar u l-vizzju tal-logħob. Jenfasizza l-ħtieġa li f’dan ir-rigward jiġu adottati miżuri b’livell għoli ta’ protezzjoni u jinnota li l-istrumenti previsti huma dgħajfa wisq. Għalhekk jissuġġerixxi l-adozzjoni ta’ strumenti aktar stretti. Fil-fatt, is-servizzi disponibbli tal-logħob illegali, li min-natura tagħhom huma mingħajr kontroll u perikolużi, jirrappreżentaw l-akbar theddida għall-konsumaturi. Hemm bżonn li f’kull Stat Membru jiġu identifikati miżuri sodi li jiġġieldu kontra l-operaturi illegali li ma jirrispettawx il-leġislazzjoni nazzjonali, li hija l-ewwel u l-aqwa garanzija għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

4.3.4

L-għan fundamentali tal-azzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun il-garanzija li l-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat u r-responsabbiltajiet kollha tagħhom u li tistabbilixxi qafas regolatorju għall-UE kollha u għall-operaturi awtorizzati kollha li jipprovdu dan it-tip ta’ servizz. Dan sabiex jiġi evitat il-logħob tal-azzard problematiku u jiġu introdotti rekwiżiti rigward l-età minima li tagħti-aċċess għal-logħob kollu, u l-projbizzjoni tal-logħob bil-kreditu għal-logħob u l-imħatri li huma l-aktar perikolużi (każinò onlajn, spread betting, betting exchange), u tipi ta’ reklamar immirati lejn il-minorenni u l-gruppi vulnerabbli.

4.3.5

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kontra s-servizzi illegali tal-logħob skont il-kompetenzi tagħhom b’mod effettiv u bil-qawwa. Jitlob li l-Istati Membri jadottaw miżuri bħal-“lista sewda” u l-imblukkar tas-siti illegali, il-ħolqien ta’ tipi ta’ pagamenti sikuri u traċċabbli, l-imblukkar ta’ transazzjonijiet finanzjarji, u l-projbizzjoni assoluta tar-reklamar illegali. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-effikaċja ta’ dawn il-miżuri tiddependi ħafna mit-teħid ta’ azzjoni konġunta, li ssaħħaħ l-effett tagħhom kontra l-operaturi illegali.

4.3.6

Idealment, f’kull Stat Membru għandha tinħoloq awtorità regolatorja li jkollha responsabbiltajiet speċifiċi biex tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej u nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ġlieda kontra l-logħob illegali. L-eżistenza ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali hija prerekwiżit għat-twettiq ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni amministrattivi effettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema regolatorja tagħhom, abbażi tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-qafas regolatorju tagħhom, tkun kapaċi timplimenta dan. Il-KESE jittama li kull Stat Membru jagħti lill-awtorità regolatorja l-kompetenza li tistabbilixxi hi l-kriterji għall-għoti ta’ liċenzji fis-suq tiegħu stess.

4.3.7

F'kull Stat membru, il-konsumaturi tal-UE għandhom ikunu jistgħu jiddistingwu bejn is-siti legali u illegali, anke sabiex ikunu jistgħu jressqu lment. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakommanda li kull Stat jobbliga lill-operaturi kollha li huma awtorizzati jipprovdu logħob onlajn juru fuq il-websajt tagħhom, b’mod prominenti u permanenti, in-numru tal-awtorizzazzjoni u tikketta mill-awtorità regolatorja nazzjonali li turi li l-operatur għandu liċenzja f’dak l-Istat Membru.

4.3.8

Il-KESE jappella għall-adozzjoni tal-akbar garanzija leġislattiva possibbli għall-protezzjoni tal-minorenni, li tipprevedi strumenti adatti għall-verifikazzjoni tal-età u li tassigura li l-operaturi jagħmlu kontrolli effettivi f’dan ir-rigward. Il-ġenituri għandhom ikunu sensibilizzati dwar ir-riskji tal-użu tal-internet u dwar il-filtraġġ tal-programmi fid-dar. Garanziji adatti għandhom jiġu adottati għall-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli li jqattgħu ħafna ħin id-dar: il-pensjonanti, in-nisa tad-dar u l-persuni qiegħda.

4.3.9

Il-kriżi attwali qed tiġbed dejjem aktar nies lejn il-logħob onlajn, li jagħtihom l-illużjoni li jistgħu jsolvu l-problemi ekonomiċi tagħhom b’rebħiet faċli. Dan iġib miegħu riskji kbar għall-benesseri psikoloġiku tagħhomk għax iwassal għall-vizzju u l-imġiba ossessiva-kompulsiva. Biex jiġu miġġielda dawn it-tipi ta’ mard, il-KESE jirrakommanda li parti mit-taxxi miġbura jiġu allokati għall-finanzjament ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri preventivi u trattamenti terapewtiċi kontra l-mard assoċjat mal-logħob.

4.3.10

Il-KESE jqis b’mod pożittiv l-għan tal-Kummissjoni li tagħmel rakkomandazzjoni – għalkemm jixtieq li l-istrument ikun aktar inċiżiv u vinkolanti – dwar ir-reklamar responsabbli tal-logħob tal-azzard sabiex tikkomplementa d-Direttiva dwar il-prattiċi kummerċjali inġustisabiex tingħata l-informazzjoni korretta lill-konsumaturi. Il-KESE jenfasizza li l-azzjoni f’dan ir-rigward għandha tinkludi miżuri kontra l-operaturi illegali, bħall-projbizzjoni ta’ reklamar minn operaturi li jipprovdu servizzi mingħajr liċenzja mogħtija mill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-pajjiż fejn jgħix il-konsumatur.

4.3.11

Jeħtieġ li jinsab bilanċ bejn il-bżonn ta’ tkabbir kontrollat tal-logħob awtorizzat – biex is-servizzi tal-logħob legali ikunu attraenti għall-pubbliku – u l-bżonn li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-vizzju ta’ dan il-logħob.

4.3.12

Ir-reklamar għandu jsir b’mod aktar responsabbli u regolat, b’mod speċjali għall-protezzjoni tal-minorenni, mhux biss għax huwa ta’ ħsara kbira għas-saħħa, b’mod partikolari dik mentali, iżda wkoll għaliex huwa jqarraq u jinganna, għax iġiegħel lill-pubbliku jemmen li l-logħob onlajn huwa “normali” u b’hekk jinkoraġġixxi mġiba soċjali li mhix tajba għas-saħħa.

4.3.13

Minkejja l-proġett Alice Rap (14), il-Kumitat jinnota li għad ma hemmx data affidabbli disponibbli dwar l-għadd u l-varjetajiet ta’ mard marbutin mal-logħob tal-azzard. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ monitoraġġ kontinwu u kostanti tal-fenomenu tal-vizzju u l-mard relatat sabiex tinkiseb data sodisfaċenti li tippermetti li l-leġislaturi nazzjonali u tal-UE jadottaw miżuri effettivi u mmirati biex jiġġieldu kontra din il-problema u jimpedixxuha.

4.4   Il-prevenzjoni tal-frodi u l-ħasil tal-flus

4.4.1

Il-problemi marbutin mal-identifikazzjoni ta’ individwi attivi fil-logħob onlajn permezz ta’ distribuzzjoni remota, kemm dawk li qed jirbħu bil-bosta kif ukoll dawk li qed jitilfu b’mod qawwi, u li għalhekk jista’ jkun li qed jaħbu l-attività tal-ħasil tal-flus, għandhom jiġu indirizzati permezz tal-identifikazzjoni minn qabel tal-individwi u l-ftuħ ta’ kont wieħed speċifiku għal kull individwu li qed jilgħab.

4.4.2

Is-serq tal-identità huwa problema kbira li mhix marbuta biss mal-logħob tal-azzard onlajn, iżda mas-sistema kollha tad-data u l-iskambju ta’ data fuq l-internet u t-teknoloġija onlajn.

4.4.3

Il-ġeneraturi aleatorji tan-numri (random number generators) għandhom ikunu ċertifikati b’mod qawwi sabiex ikunu konformi mal-prinċipju tan-nonprevedibilità u fl-istess ħin jassiguraw li l-avveniment verifikat huwa l-uniku wieħed possibbli u li huwa impossibbli li jkun hemm tbagħbis. B’hekk jiġi protett dak li qed jilgħab u tkun rispettata l-korrettezza tal-istandards li l-Istati Membri jiddeċiedu f’termini ta’ rebħ.

4.4.4

Biex tiġi żgurata sigurtà akbar fit-tipi ta’ software użati għal-logħob tal-azzard onlajn, il-Kumitat jipproponi ċertifikazzjoni minima fl-UE li għandha ssir minn korpi esterni speċjalizzati li jadottaw l-istess parametri u standards, u li wkoll jidentifikaw u jimpedixxu l-logħob illegali offshore.

4.4.5

Wieħed mill-modi biex jiġi protett l-aċċess għal-logħob jista’ jkun l-identifikazzjoni tal-indirizzi IP (indirizzi tal-Protokoll tal-Internet). Jekk individwu jaċċessa sistema tal-logħob ta’ wieħed mill-Istati Membri permezz ta’ indirizz IP ta’ pajjiż ieħor huwa teknikament possibbli li l-logħba tiġi mblukkata.

4.4.6

Peress illi l-logħob tal-azzard onlajn huwa suxxettibbli għall-problemi tal-ħasil ta’ flus u l-frodi, ikun tajjeb jekk il-kwantità kbira ta’ informazzjoni u data li jirreġistraw l-operaturi tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-ordni pubbliku, biex ikunu jistgħu jiġu mqabbla ma’ data oħra u jiġu ffaċilitati l-kontrolli.

4.5   L-isports u l-kompetizzjonijiet mixtrija

4.5.1

L-imħatri fuq partiti, logħob u kompetizzjonijiet mixtrija huma tip ta’ frodi speċifiku li jmur kontra l-interessi tas-soċjetajiet sportivi, tas-sapporters, tal-konsumaturi u tal-operaturi tal-logħob tal-azzard legali.

4.5.2

Il-Kummissjoni tappoġġja s-suġġeriment tal-KESE, li jqis neċessarju t-tfassil ta’ qafas għall-koordinazzjoni tal-isforzi tal-partijiet interessati kollha sabiex tiġi indirizzata l-problema b’mod globali u evitata d-duplikazzjoni tar-risorżi. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni akbar bejn l-operaturi tal-imħatri, il-korpi sportivi u l-awtoritajiet kompetenti, inklużi r-regolaturi nazzjonali u internazzjonali tal-logħob tal-azzard.

4.5.3

Il-KESE jtenni s-suġġeriment tal-ħolqien ta’ sistema li ma tkunx limitata għas-sempliċi ġbir ta’ dikjarazzjonijiet li jirrappurtaw suspetti fuq xi avveniment sportiv partikolari, imma li tieħu miżuri preventivi, edukattivi u persważivi li jistgħu jindirizzaw il-fenomenu b’mod effettiv.

4.5.4

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva tal-Kummissjoni li sal-2014 tiġi adottata rakkomandazzjoni dwar il-prattiki tajbin fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-imħatri marbuta mal-partiti mixtrijin, għalkemm iqis li l-istrument leġislattiv magħżul mhuwiex suffiċjenti. Il-kompetizzjonijiet mixtrijin jiksru l-prinċipju ta’ kompetizzjoni sportiva ġusta, u huma reat kriminali fl-Istati Membri kollha, minkejja li ġiet reġistrata żieda f’din l-attività illegali jew kien hemm suspett li hi tali. Għalhekk hemm bżonn azzjoni aktar inċiżiva fil-ġlieda kontra l-kompetizzjonijiet mixtrijin, bl-għajnuna ta’ strumenti, kompetenzi u riżorsi tal-Istati Membri, f’sinerġija bejniethom u mal-UE.

4.5.5

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri li għadhom m’għamlux dan, li jqisu l-korruzzjoni sportiva, il-kompetizzjonijiet mixtrijin u l-manipulazzjoni tar-riżultati sportivi bħala reati, u b’hekk soġġetti għas-sanzjonijiet. Jitlob lill-Kummissjoni tilħaq ftehim mal-Istati Membri dwar definizzjoni komuni ta’ dawn ir-reati kriminali.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 85.

(2)  COM(2011) 128 final.

(3)  Ara ĠU C 24, 28.1.2012, p. 85 (konklużjonijiet: punti 1.3 u 1.6).

(4)  COM(2013) 45 final.

(5)  Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

(6)  Il-konklużjonijiet tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 – 9495/10 jistabilixxu li l-logħob illegali online huwa dak offrut mingħajr liċenzja u mingħajr ma jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż in kwistjoni u għalhekk l-operaturi tal-logħob onlajn għandhom jikkonformaw mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri fejn joperaw.

(7)  Sentenzi 19.07.2012 kawża C-470/11, SIA Garkalns, għadha mhux ippubblikata, punt 24; 8.09.2010 kawża C-316/07, minn C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Stoß u oħrajn.

(8)  Sentenzi 19.07.2012 kawża C-470/11, SIA Garkalns ċit, punt 39; 8.09.2010 kawża C-46/08 Carmen Media Group, punt 55.

(9)  Każijiet Liga Portuguesa de Futebol C-42/07 o Anomar C-6/01.

(10)  Studju dwar il-logħob tal-azzard fis-suq intern tal-UE mill-Istitut Svizzeru tal-Liġi Komparattiva (2006) http://ec.europa.eu.internal_market/services/gamblig_en.htm

(11)  Sentenza 24.01.2013 kawżi magħquda C-186/11 u C-209/11 Stanleybet International LTD u oħrajn punt 47.

(12)  Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009 kawża C-42/07 Liga Portuguesa de Futebol Profissional u oħrajn.

(13)  COM(2010) 673 final, 22.11.2010: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura”.

(14)  Addiction and Lifestyles in Contemporary Europe, Reframing Addictions Project.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza”

COM(2012) 742 final

final u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment”

COM(2012) 744 final — 2012/0360 (COD)

2013/C 271/10

Relatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE

Nhar it-12 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza

COM(2012) 742 final.

Nhar il-15 ta’ Jannar 2013 u l-5 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 dwar proċedimenti ta’ falliment

COM(2012) 744 final – 2012/0360 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013. (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjonijiet ġenerali

1.1.1

L-Ewropa għaddejja minn kriżi ekonomika u soċjali kbira, li l-effetti tagħha għandhom impatt dirett fuq il-livelli kollha tas-soċjetà.

1.1.2

L-iffaċilitar tas-sopravivenza tal-intrapriżi hija fost il-miżuri li l-Unjoni Ewropea identifikat biex toħroġ minn dan l-istaġnar. Il-fallimenti fil-fatt għandhom riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi kkonċernati; huma jolqtu wkoll b’mod globali l-ekonomija tal-Istati Membri, u b’mod iktar partikolari ċ-ċittadin bħala kontribwent, impjegat u impjegatur.

1.1.3

Il-KESE jaqbel mal-miri li jidhru fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għalkemm huwa tal-fehma li “ċ-ċans ieħor” li jissemma fiha għandu jkun ta’ benefiċċju għall-intraprendituri li tgħallmu mill-falliment preċedenti tagħhom u huma kapaċi li jibdew mill-ġdid abbażi ta’ proġett intraprenditorjali maħsub mill-ġdid.

1.1.4

Huwa jappoġġja wkoll il-Proposta għal Regolament, iżda jiddispjaċih li dan mhuwiex ambizzjuż biżżejjed.

1.1.5

Fil-fatt, għad iridu jitwettqu diversi riflessjonijiet u azzjonijiet konkreti, biex jitħarsu d-drittijiet tal-kredituri, filwaqt li jsir sforz biex jinsab bilanċ bejn l-interessi tal-intraprendituri u tal-impjegati, titħeġġeġ ir-ristrutturazzjoni tal-intrapriżi, jiġi impedut il-forum shopping u titjieb il-koordinazzjoni tal-proċedimenti ta’ falliment ta’ gruppi ta’ intrapriżi.

1.2   Rakkomandazzjonijiet dwar il-Komunikazzjoni

1.2.1

Il-KESE jqis li l-punti ta’ riflessjoni għal armonizzazzjoni sostanzjali tal-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi huma interessanti, anke jekk huwa jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ rispons effettiv għall-kriżi ekonomika u soċjali li għaddejjin minnha l-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej.

1.2.2

Il-KESE jippreferi l-idea ta’ bidu ġdid – “fresh start”– kunċett prinċipali tal-liġi Amerikana dwar l-insolvenza, milli l-idea ta’ “ċans ieħor” li tappoġġja l-Kummissjoni. Barra minn dan, huwa jistedinha tirrifletti fuq il-kontribut ta’ din l-idea għal-liġi Ewropea dwar l-insolvenza.

1.2.3

Huwa jqis ukoll li l-impjegat għandu jkun protett aħjar, u għandu jkun jista’ jingħata r-rwol ta’ kreditur privileġġjat.

1.2.4

Il-kwistjoni ta’ assistenza mhux adatta li tingħata lill-intrapriżi f’diffikultà għandha wkoll tkun parti mir-riflessjoni, u f’dan ir-rigward il-KESE jenfasizza li din ir-responsabbiltà tista’ taqa’ wkoll fuq persuni oħra apparti l-banek. Għaldaqstant, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tħares lejn dawn il-parametri skont il-valur ġust tagħhom.

1.2.5

Huwa jqis li l-kriminalizzazzjoni tal-liġi tal-insolvenza mhijiex mixtieqa, għax din iżżid il-proċeduri ġudizzjarji tal-proċedimenti tal-insolvenza u ttawwal iż-żmien tal-investigazzjoni.

1.2.6

Huwa jidhirlu li r-rikors sistematiku quddiem l-imħallef mhuwiex l-aqwa soluzzjoni. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq l-idea li jinħolqu opportunitajiet ġodda, pereżempju marbuta mas-settur tal-ekonomija, iffurmati minn grupp multidixxiplinari (mill-kamp ekonomiku, finanzjarju, ġuridiku) li jgħinu aktar biex jifhmu aħjar u jkun hemm azzjoni rapida biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.

1.2.7

Fl-aħħar nett, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-proposti relatati mal-armonizzazzjoni tal-istatut tal-likwidatur, hekk kif jirriżultaw mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Ottubru 2011 (1).

1.3   Rakkomandazzjonijiet dwar il-Proposta għal Regolament

1.3.1

Il-KESE jappoġġja l-Proposta għal Regolament, anke jekk din hija limitata għal regoli ta’ proċedura, u li din ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali applikabbli għall-każijiet ta’ insolvenza tal-intrapriżi.

1.3.2

Huwa jirrikonoxxi l-obbligu li ngħata lill-Istati Membri li dawn itejbu r-regoli ta’ pubbliċità permezz ta’ reġistru elettroniku, deċiżjonijiet ġudizzjarji pertinenti li jingħataw fi kwistjonijiet ta’ insolvenza transkonfinali, u l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tal-insolvenza.

1.3.3

Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex madankollu tqis li r-responsabbiltà, l-ispejjeż u ż-żminijiet tat-traduzzjonijiet ma jżommux lura l-proċedimenti tal-insolvenza, għaliex il-ħeffa tiggarantixxi s-suċċess tagħhom.

1.3.4

Huwa jappoġġja l-integrazzjoni tal-proċedimenti ċivili ta’ dejn, iżda din iż-żieda ma għandhiex tkun favorevoli għad-debituri individwali. Fil-fatt, liġi mfassla għall-intrapriżi, maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kummerċ, fiha nnifisha tagħti anqas protezzjoni mil-liġi dwar il-konsum. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lil dan is-suġġett.

1.3.5

Fl-aħħar nett, huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja li r-rikors għall-proċedura ta’ delega biex jiġu modifikati annessi għar-Regolament iqis l-Artikolu 290 tat-TFUE u l-kontribut tal-ġurisprudenza fuq l-idea ta’ “miżuri essenzjali”.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-għan tal-Pakkett tal-Insolvenza

2.1.1

L-inizjattivi ta’ dan il-pakkett leġislattiv jiffurmaw parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi ekonomika u soċjali li qed tolqot lill-intrapriżi u ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. L-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-intrapriżi jissopravivu u li jagħtu ċans ieħor lill-intraprendituri li qed jiffaċċjaw l-insolvenza.

2.1.2

L-approċċ magħżul tal-Kummissjoni Ewropea jikkonsisti f’li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (2) tad-29 ta’ Mejju 2000 li huwa magħruf bħala r-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment u li essenzjalment jikkonċerna r-regoli tal-liġi internazzjonali privata li japplikaw fil-proċeduri transkonfinali ta’ falliment u li tinbeda konsultazzjoni abbażi tal-Komunikazzjoni bit-titolu: “Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza tal-intrapriżi”.

2.1.3

Il-KESE ddeċieda li jagħti l-fehma tiegħu dwar iż-żewġ testi f’Opinjoni waħda.

2.2   Il-Proposta għal Regolament  (3)

2.2.1

Minħabba li tqis li r-Regolament dwar il-proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 huwa skadut, u wara l-identifikazzjoni tal-ħames nuqqasijiet prinċipali tiegħu (4), il-Kummissjoni qed tipproponi li dan it-test jiġi rivedut.

2.3   Il-Komunikazzjoni

2.3.1

Din tistqarr sew li l-Proposta għal Regolament tat-12 ta’ Diċembru 2012 hija limitata għall-aġġornament tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 u għalhekk tagħraf u tikkoordina biss ir-regoli dwar il-proċedimenti li japplikaw fil-każ ta’ fallimenti nazzjonali, u dan mingħajr armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali applikabbli f’każijiet ta’ falliment ta’ intrapriżi.

2.3.2

Hija tfittex li tikkoreġi dan in-nuqqas billi tipproponi punti ta’ tluq għal riflessjoni bil-għan li tiġi żgurata armonizzazzjoni sostanzjali tal-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi filwaqt li jiġu koperti biss każijiet transkonfinali ta’ insolvenza.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-Komunikazzjoni

3.1   Il-filosofija tal-approċċ il-ġdid

3.1.1

Din hija bbażata fuq il-bżonn li tagħti ċans ieħor lill-intraprendituri u żżomm l-impjiegi.

3.1.2

Il-KESE jqis li l-fallimenti tal-intrapriżi, bħall-ħolqien tal-intrapriżi, huwa parti miċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika u d-dinamika tas-suq. Għalhekk ma jkunx korrett li nqisuhom bħala ħażen li għandu jiġi evitat għal kwalunkwe prezz.

3.1.3

Fuq l-istess linji, il-KESE huwa tal-fehma li “ċ-ċans ieħor” li ssemmi l-Kummissjoni għandu jingħata lill-intraprendituri li tgħallmu mill-falliment preċedenti tagħhom u huma kapaċi li jibdew mill-ġdid abbażi ta’ proġett intraprenditorjali maħsub mill-ġdid.

3.1.4

Jenfasizza wkoll li l-kawżi ta’ fallimenti tal-intrapriżi jistgħu jkunu interni, bħal ġestjoni ħażina, iżda jistgħu jkunu wkoll esterni, jiġifieri ġejjin minn regolamentazzjoni eċċessiva u mhux adatta. F’dan il-kuntest għalhekk l-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ leġislatur fil-qafas tas-swieq pubbliċi u bħala l-awtorità kontraenti, huwa sa ċertu punt responsabbli għall-fallimenti (5).

3.1.5

Il-KESE jippreferi l-idea ta’ “fresh start”, kunċett prinċipali tal-liġi Amerikana dwar l-insolvenza (6), milli l-idea ta’ “ċans ieħor” li tappoġġja l-Kummissjoni. Il-kunċett ta’ “fresh start” huwa iktar kulturali milli legali li jimplika li d-debituri, taħt ċerti kundizzjonijiet, jinħelsu mir-responsabbiltà personali tad-dejn tagħhom. L-istadju tad-deċiżjoni ġudizzjarja li jiddikjara l-intrapriża falluta għalhekk jiġi evitat u d-debitur jista’ jibda proġett ġdid mingħajr ma jiġi identifikat bħala fallut.

3.1.6

Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni tagħti l-impressjoni li l-kunċett tagħha ta’ “ċans ieħor” jikkonsisti f’kontinwazzjoni tal-attività. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, ikun kontraproduttiv li l-intrapriżi jinżammu artifiċjalment fis-sistema ekonomika billi jingħataw “ċans ieħor”, jekk il-mudell li kienu għażlu wera li ma kienx vijabbli.

3.1.7

Dan ikollu impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-kredituri u l-fornituri u fl-aħħar mill-aħħar anke fuq kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-operaturi ekonomiċi.

3.2   Il-KESE jappoġġja l-approċċ Amerikan lejn il-liġi tal-insolvenza u, fil-fehma tiegħu, il-kunċett ta’ “fresh start” għandu jiġi valutat qabel ma l-każ jiġi referut quddiem l-imħallef.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-Komunikazzjoni

4.1   Lejn armonizzazzjoni effikaċi

4.1.1

Id-differenzi fil-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza huma sors ta’ żvantaġġi kompetittivi b’mod partikolari għall-intrapriżi li joperaw fuq livell transkonfinali, u li dawn il-problemi jistgħu jfixklu l-irkupru ekonomiku.

4.1.2

Dawn id-differenzi jwasslu għat-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) u konsegwentement għal suq intern iktar dgħajjef.

4.1.3

Il-KESE jingħaqad mal-Parlament Ewropew (7) fit-talba tiegħu għall-armonizzazzjoni ta’ ċerti oqsma tal-liġi dwar l-insolvenza.

4.1.4

Il-Parlament jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex abbażi tal-Artikoli 50, 81(2) jew tal-Artikolu 114 tat-TFUE tippreżenta proposta leġislattiva waħda jew iktar dwar qafas Ewropew reali tal-insolvenza tal-intrapriżi li ma jkunx limitat biss għal sempliċi regoli ta’ proċedura tal-liġi internazzjonali privata.

4.1.5

Fil-fatt, il-każijiet ta’ insolvenza għandhom riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi kkonċernati; huma jolqtu wkoll b’mod globali l-ekonomija tal-Istati Membri u b’mod iktar partikolari ċ-ċittadin bħala kontribwent, impjegat u impjegatur.

4.2   Il-ħarsien tad-drittijiet tal-kredituri

4.2.1

Oriġinarjament, il-proċedimenti kollettivi kellhom l-għan li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kredituri, iżda maż-żmien l-għan tagħhom sar il-kontinwità tal-intrapriża, iż-żamma tal-impjieg u l-ħlas tad-dejn. Reċentement, it-tendenza leġisattiva fl-Ewropa saret il-prevenzjoni tal-problemi tal-intrapriża qabel is-suspensjoni tal-pagamenti.

4.2.2

Il-kredituri jibżgħu mill-ftuħ ta’ proċediment kollettiv kontra d-debitur, għaliex dan ma jqisx il-fatt jekk l-ammonti dovuti humiex se jitħallsu. L-ewwel frustrazzjoni ġejja mill-fatt li ħafna drabi l-ftuħ ta’ proċediment kollettiv jipprojbixxi lid-debitur milli jitfittex għal kwalunkwe pretensjoni li tkun saret qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ u jissuspendi t-talba li jsir tiftix. Kull kreditur għandu għalhekk jiddikjara l-pretensjoni tiegħu fil-perjodu ta’ żmien legali (8).

4.2.3

It-tieni frustrazzjoni tal-kreditur tirriżulta mill-każ ta’ nuqqas ta’ assi; fil-prattika, sikwit ikun propost lill-kredituri matul proċediment kollettiv li jagħżlu bejn ħlas immedjat fejn huma jkollhom jabbandunaw parti mhux negliġibbli tad-dejn dovut lilhom, u bejn tqassim tal-ħlas ta’ dan id-dejn fuq perjodu ta’ żmien identifikat.

4.2.4

Ix-xenarju ideali għall-kreditur għalhekk huwa li jevita kull sitwazzjoni ta’ falliment, pereżempju billi jkunu garantiti ċerti operazzjonijiet matul il-konklużjoni ta’ kuntratt, fejn tintalab li jingħataw garanziji permezz ta’ persuni terzi (9) jew billi jintalbu garanziji, pleġġijiet jew ipoteki fuq l-assi tal-intrapriża (10).

4.3   Trattament aħjar tal-impjegati fil-proċedimenti ta’ insolvenza

4.3.1

L-impjegati jkunu l-ewwel vittmi meta tfalli l-intrapriża tagħhom. Il-pagi mhux dejjem joħorġu qabel il-likwidazzjoni u s-sitwazzjonijiet finanzjarji personali tagħhom ikunu diffiċli matul dan il-perjodu ta’ inċertezza.

4.3.2

Il-ftuħ ta’ proċedimenti kollettivi ħafna drabi jinvolvi l-ħatra ta’ rappreżentant tal-impjegati, li l-kompitu tiegħu jkun li jikkontrolla l-informazzjoni dwar il-pagi dovuti. Apparti l-kompiti tas-soltu tar-rappreżentazzjoni tal-impjegati fl-intrapriża, dan jinvolvi wkoll l-iskambju tal-informazzjoni fost il-persunal, it-tribunal u l-partijiet involuti fil-proċediment.

4.3.3

L-ammonti dovuti lill-impjegati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti kollettivi għandhom jiġu inklużi fid-dejn tal-intrapriża. Madanakollu, din il-miżura ġenerali fil-fatt xejn ma hi ċara minħabba d-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali. Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kredituri, il-kwistjoni tal-proċedimenti kollettivi hija waħda inċerta ħafna għall-impjegati.

4.3.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-impjegati għandhom jiġu mħarsa aħjar u jiġu trattati ta’ kredituri privileġġjati u jqis għalhekk li l-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tkun utli.

4.4   Il-prevenzjoni tal-appoġġ mhux adatt tal-intrapriżi f’qagħda ħażina

4.4.1

Il-prattiki kummerċjali ta’ ċerti stabbilimenti finanzjarji jistgħu jwasslu f’li jiġu appoġġjati intrapriżi li diġà jinsabu f’qagħda kompromessa b’mod irreversibbli. Huma joħolqu wkoll l-apparenza ta’ solvenza, ħaġa li xxekkel il-kompetizzjoni b’saħħitha fis-suq u titfa’ dell ikrah fuq l-immaġni tas-settur bankarju.

4.4.2

Il-KESE jenfasizza li r-responsabbiltà tal-assistenza abużiva tista’ tkun ta’ persuni oħra u mhux biss tal-banek, fosthom l-Istat. Barra minn hekk, l-imħallfin nazzjonali għalhekk xi drabi jqisu li ċerti fornituri jew klijenti tal-intrapriża jistgħu jinżammu responsabbli meta bl-attitudni tagħhom jipprovdu assistenza abużiva għall-attività ta’ intrapriża li kienu jafu li kienet f’sitwazzjoni kompromessa b’mod irreversibbli.

4.4.3

Dawn il-parametri għandhom jitqiesu wkoll skont il-valur ġust tagħhom sabiex tiġi armonizzata l-liġi dwar l-insolvenza tal-intrapriżi.

4.5   Il-każ partikolari ta’ fallimenti frodulenti

4.5.1

Il-biċċa l-kbira tal-fallimenti tal-intrapriżi jseħħu għal raġunijiet oġġettivi mingħajr l-ebda mġiba frodulenti min-naħa tad-diriġenti tagħhom.

4.5.2

Madankollu l-fenomenu tal-fallimenti frodulenti ma jistax jiġi injorat. Il-Kummissjoni rreferiet għal dan bosta drabi fil-Komunikazzjoni tagħha (11), u tissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn il-fallimenti onesti u l-fallimenti diżonesti. Hija tgħid li debitur li b’mod volontarju jew irresponsabbli ma jikkonformax mal-obbligi legali għandu jkun soġġett għal sanzjonijiet ċivili jew prosekuzzjoni kriminali. Hija temmen li l-proċedimenti ta’ stralċ tal-fallimenti onesti għandhom jiġu aċċellerati.

4.5.3

Il-KESE jinsab konvint li l-armonizzazzjoni taż-żmien ta’ kwittanza u perjodu pjuttost qasir ta’ dan tal-aħħar ikunu adegwati, b’mod partikolari fl-interess tal-impjegati iżda jibqa’ dubjuż fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-proċedimenti ta’ falliment abbażi tal-onestà tad-diriġenti għaliex dan iżid il-proċeduri ġudizzjarji tal-proċedimenti ta’ falliment, tagħtihom natura penali u ttawwal iż-żmien tal-investigazzjoni.

4.5.4

Din il-kriminalizzazzjoni tal-liġi tal-insolvenza mhix mixtieqa. Skont il-KESE, ir-rikonoxximent tan-natura frodulenti tal-falliment għandu jseħħ fi proċedura distinta mill-proċediment tal-insolvenza.

5.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-Proposta għal Regolament

5.1

Il-KESE jilqa’ t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament biex jinkludi l-proċedimenti ibridi u ta’ qabel l-insolvenza, il-proċedimenti tal-kwittanza tad-dejn kif ukoll il-proċedimenti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi.

5.2

Huwa jilqa’ wkoll il-kjarifika taċ-ċirkostanzi li jippermettu l-preżunzjoni li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jkun jinstab fil-post tal-uffiċċju rreġistrat.

5.3

It-titjib fis-sistema proċedurali li jippreċiża l-kamp tal-intervent tal-ġurisdizzjoni kompetenti għall-azzjonijiet li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment, jew li huma marbuta mill-qrib, bħall-azzjonijiet ta’ evażjoni, huwa pożittiv ukoll.

5.4

Il-fatt li l-proċedimenti sekondarji mhumiex neċessarjament proċedimenti ta’ stralċ, u li l-ftuħ tagħhom jista’ jiġi rifjutat meta dawn ma jkunux meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri lokali, huwa parti wkoll mit-titjib tar-regolament, bħall-estensjoni tal-kooperazzjoni bejn proċediment prinċipali u sekondarju.

5.5

L-obbligu għall-Istati Membri li jtejbu r-regoli tal-pubbliċità, li permezz ta’ reġistru elettroniku jrendu aċċessibbli għal kulħadd id-deċiżjonijiet pertinenti li jkunu ngħataw mill-ġurisdizzjonijiet f’każijiet ta’ insolvenza transkonfinali u l-interkonnessjoni bejn ir-reġistri nazzjonali tal-insolvenza, huma wkoll ideat interessanti.

5.6

Il-KESE madankollu jistaqsi dwar ir-responsabbiltà, l-ispejjeż u ż-żminijiet tat-traduzzjonijiet, u jfakkar li l-ħeffa tiggarantixxi s-suċċess tal-proċediment.

5.7

Fl-aħħar nett, huwa jilqa’ l-obbligu tal-ġurisdizzjonijiet u tal-likwidaturi li jikkooperaw fil-proċedimenti ta’ insolvenza li jinvolvu lill-membri tal-istess grupp ta’ intrapriżi, għaliex dan jagħti lil-likwidaturi l-mezzi biex ikunu aktar effikaċi.

6.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar il-Proposta għal Regolament

6.1

Il-KESE jistaqsi dwar il-koordinazzjoni bejn ir-Regolament KE Nru 1215/2012 tat-12 ta’ Diċembru 2012 (12), li ser jissostitwixxi r-Regolament KE Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imsejjaħ “ir-Regolament Brussell I”. Huwa jistaqsi jekk il-Premessa 6 li hija inkluża fil-Proposta għal Pegolament dwar proċedimenti ta falliment tiċċarax biżżejjed il-kriterju ta’ tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-każ Gourdain (13). Fil-fatt, dan il-każ jidher li jagħti interpretazzjoni restrittiva, filwaqt li ċerti azzjonijiet li huma mpoġġija taħt il-kamp tar-“Regolament Brussell I” huma determinanti għall-proċediment ta’ insolvenza Pereżempju, l-użu jew in-nuqqas ta’ użu ta’ klawżola ta’ riserva tal-proprjetà huwa determinanti biex tkun definita l-firxa tal-valur tal-assi tad-debitur. Ir-riżultat huwa importanti fil-rigward tal-għan attribwit li jkunu salvagwardjati l-intrapriżi f’diffikultà, minħabba li r-rikostruzzjoni tal-valur tal-assi huwa l-punt ewlieni għas-suċċess tas-salvataġġ tal-intrapriżi f’diffikultà.

6.2

Fil-każ tal-kooperazzjoni bejn il-likwidaturi, il-Kummissjoni setgħet tipproponi li jiġi emendat l-Artikolu 31 billi tħeġġeġ l-adozzjoni tal-protokolli ta’ ftehim bejn il-likwidaturi. Fil-fatt, id-diversità tal-istatut tal-likwidaturi fl-Istati Membri hija xkiel għall-kooperazzjoni professjonali tagħhom.

6.3

L-iskambji bejn il-likwidaturi u l-ġurisprudenzi għandhom jikkonċernaw l-ewwel nett l-inventarju, id-dejn tad-debitur, id-dikjarazzjoni u l-verifika tal-krediti, kif ukoll ir-regolament kollettiv ikkoordinat tal-kredituri li jidhru fil-pjani negozjati.

6.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni għandha l-għan li tirrikorri għall-proċedura ta’ delega biex temenda l-annessi għar-Regolament, filwaqt li jidher li hemm kwistjoni dwar il-miżuri essenzjali, bħall-idea ta’ proċediment kollettiv jew il-lista ta’ persuni li jaġixxu bħala likwidaturi.

7.   Osservazzjonijiet partikolari, fir-rigward tad-dritt sostantiv tal-insolvenza

7.1

Hija meħtieġa armonizzazzjoni tal-kriterji tal-insolvenza. Fil-fatt, f’ċerti Stati Membri, il-proċediment ta’ insolvenza jista’ jseħħ biss meta d-debitur ikun f’qagħda ta’ insolvenza, f’oħrajn, l-insolvenza possibbli fil-futur viċin hija kriterju suffiċjenti.

7.2

Dawn id-diverġenzi jiffavorixxu t-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) u għalhekk għandhom jitwaqqfu.

7.3

Il-ħtieġa ta’ ċertezza legali ssejjaħ ukoll għal armonizzazzjoni tar-regoli relatati mal-produzzjoni ta’ krediti.

8.   L-integrazzjoni tal-proċeduri ċivili ta’ dejn

8.1

Il-KESE jappoġġja din il-proposta tal-Kummissjoni li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ Premessa 9 ġdida (14).

8.2

Il-Premessi 9 u 10 tar-Regolament dwar proċedimenti ta’ falliment tad-29 ta’ Mejju 2000 jistgħu faċilment jiġu applikati (15).

8.3

Minkejja dan, din l-integrazzjoni ma għandhiex tirriżulta fi żvantaġġ għad-debituri individwali. Fil-fatt, liġi mfassla għall-intrapriżi, maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kummerċ, fiha nnifisha tagħti anqas protezzjoni mil-liġi dwar il-konsum. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex toqgħod partikolarment attenta għal dan.

8.4

Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar armonizzazzjoni tal-liġi tal-falliment tal-individwi, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-konsumatur.

9.   L-armonizzazzjoni tal-istatut u l-kompetenzi tal-likwidaturi

9.1

Id-diverġenzi nazzjonali dwar l-istatuti u l-kompetenzi tal-likwidaturi jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u b’hekk jikkomplikaw il-proċedimenti ta’ insolvenza transkonfinali (16).

9.2

Huwa fl-interess tal-intrapriżi u tal-irkupru ekonomiku li armonizzazzjoni tal-aspetti ġenerali li jikkonċernaw il-ħtiġijiet fir-rigward tal-kompetenzi u l-missjonijiet tal-likwidatur tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun. Ukoll, il-KESE jingħaqad mal-Parlament Ewropew (17) sabiex jirrakkomanda l-punti ta’ riflessjoni li ġejjin:

il-likwidatur għandu jkun approvat minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew persuna maħtura minn ġurisdizzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, għandu jkollu reputazzjoni tajba u jkollu livell ta’ taħriġ meħtieġ biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

huwa għandu jkollu l-kompetenza u l-kapaċità li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-entità tad-debitur u biex jieħu responsabbiltà tal-kompiti tal-ġestjoni tal-intrapriża;

huwa għandu jkun jista’ jirkupra, permezz ta’ proċeduri adatti u ta’ prijorità, l-ammonti dovuti lill-intrapriża wara li jkunu tħallsu l-kredituri u bħala alternattiva għat-trasferimenti tal-krediti;

huwa għandu jkun indipendenti mill-kredituri kif ukoll mil-partijiet l-oħra kkonċernati mill-proċediment ta’ falliment;

f’każ ta’ kunflitt ta’ interessi, huwa għandu jirriżenja mill-kariga tiegħu.

9.3

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tmur lil hinn minn dak li hija tistipula fl-Artikolu 31 tal-Proposta għal Regolament li huwa limitat biex jikkonferma l-prattika u jibbaża fuq il-kooperazzjoni bejn likwidatur ta’ proċediment prinċipali u likwidatur ta’ proċediment sekondarju.

10.   L-iżvilupp ta’ regolamenti ekstraġudizzjarji għal appoġġ u għal superviżjoni effikaċi tal-intrapriżi

10.1

Il-promozzjoni tal-proċedimenti negozjati tippermetti li tiżdied il-ħeffa u l-effikaċja tal-pjani ta’ ristrutturazzjoni tal-intrapriżi.

10.2

Iż-żmien medju tagħhom u r-rata ta’ suċċess ġeneralment osservati fl-Unjoni Ewropea jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ dan l-approċċ.

10.3

Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li r-rikors sistematiku quddiem l-imħallef mhuwiex neċessarjament l-aqwa soluzzjoni.

Huwa jappoġġja għalhekk l-idea li jinħolqu opportunitajiet ġodda, pereżempju marbuta mas-settur tal-ekonomija, iffurmati minn grupp pluridixxiplinari (mill-kamp ekonomiku, finanzjarju, ġuridiku) li jgħinu aktar biex jifhmu aħjar u jkun hemm azzjoni rapida biex tingħata għajnuna lill-intrapriżi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.

10.4

Din is-sistema diġà teżisti f’diversi pajjiżi, u tista’ tiġi applikata b’mod ġenerali fi Stati Membri oħra.

10.5

Fl-aħħar nett, ikun utli li l-Kummissjoni tippubblika perjodikament statistika relatata mal-każijiet ta’ insolvenza soġġetti għar-Regolament dwar proċedura ta’ falliment sabiex tkun tista’ tiġi valutata l-effikaċja tas-sistema implimentata.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 – 2011/2006 (INI).

(2)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1 u ĠU C 75, 15.3.2000, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM(2012) 744 final, 12.12.2012.

(4)  

kamp ta’ applikazzjoni limitat wisq;

il-persistenza tat-tiftix tal-iktar qorti favorevoli (forum shopping) minħabba nuqqas ta’ konsistenza fl-applikazzjoni tal-kunċett taċ-“ċentru prinċipali tal-interessi tad-debitur”;

in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-proċedimenti ta’ falliment prinċipali u sekondarji;

pubbliċità insuffiċjenti tal-proċedimenti ta’ falliment;

vakwu ġuridiku fir-rigward tal-falliment tal-intrapriżi multinazzjonali;

il-Kummissjoni tibni fuq il-134 risposta li rċeviet wara konsultazzjoni pubblika li tnediet fid-29 ta’ Marzu 2012, il-konklużjonijiet ta’ studju komparattiv tal-liġi li wettqu l-universitajiet ta’ Heidelberg u ta’ Vjenna u valutazzjoni tal-impatt tax-xenarji differenti għall-għażliet ta’ riforma sabiex tissuġġerixxi jiġu kkoreġuti l-ħames nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fi Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ falliment.

(5)  Pereżempju, regoli dwar is-sigurtà u l-ambjent, li filwaqt li huma leġittimi, jistgħu jostakolaw it-tħaddim tal-intrapriżi. It-termini tal-ħlas li jintużaw mix-xerrej pubbliku, fil-qafas tas-swieq pubbliċi, jikkontribwixxu wkoll għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-intrapriżi.

(6)  Thomas H. Jackson,The Fresh-Start Policy in Bankruptcy Law, 98 Harv. L. Rev. 1393 (1985); Charles Jordan Tabb, The Scope of the Fresh Start in Bankruptcy: Collateral Conversions and the Dischargeability Debate, 59 Geo. Wash. L. Rev. 56 (1990).

(7)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2011 – 2011/2006 (INI).

(8)  Il-pretensjonijiet li jiġu ddikjarati mhumiex biss dawk il-pretensjonijiet dovuti jew li ser jiġu dovuti u li jqumu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti iżda anki ċerti pretensjonijiet li jqumu sussegwentement meta jikkorrispondi mas-servizzi provduti qabel id-data tad-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti jew li jitqiesu bħala mhux neċessarji għall-proċedimenti.

(9)  Bank jew id-diriġent.

(10)  Bini, fondi kummerċjali, ditti, eċċ.

(11)  Il-punt 3.1: Ċans ieħor għall-intraprendituri f’fallimenti onesti. COM(2012) 742 final.

(12)  L-applikazzjoni tar-Regolament ġiet immexxija għall-10 ta’ Jannar 2015, b’mod partikolari biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom minħabba l-abolizzjoni tal-exequatur.

(13)  Il-Qorti tal-Ġustizzja Gourdain c/Nadler, 22 ta’ Frar 1979.

(14)  Il-Premessa 9 “Dan ir-Regolament għandu japplika għal proċediment ta’ falliment … meta d-debitur ikun persuna naturali jew persuna ġuridika, negozjant jew individwu”.

(15)  Barra minn dan, il-liġi ta’ ċerti Stati Membri diġà tipprevedi dan. Fil-Belġju il-proċedura ta’ regolament kollettiv tad-dejn tistipula wkoll il-proċeduri applikabbli għall-konsumaturi (il-Liġi tal-5 ta’ Lulju 1988). Il-Ġermanja ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-proċeduri applikabbli għan-negozjanti u dawk applikabbli għall-individwi (il-Liġi tal-5 ta’ Ottubru 1994).

(16)  Fil-fatt, il-likwidatur jista’ jkun uffiċjal jew persuna privata approvata mill-Istat, maħtura mill-imħallef, iżda mħallsa mill-kredituri.

(17)  Ir-Rapport tal-11 ta’ Ottubru 2011 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza fil-kuntest tad-dritt tal-kumpaniji tal-UE (2011/2006(INI)).


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv — Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv”

COM(2012) 702 final

2013/C 271/11

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv – Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

COM(2012) 702 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’129 vot favur u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa tal-fehma li din il-Komunikazzjoni u l-proposti tagħha jeħtieġu attenzjoni u diskussjoni partikolari.

1.2

Il-KESE jappoġġa l-fehma tal-Kummissjoni li hija meħtieġa regolamentazzjoni iktar stretta sabiex jiġu pprojbiti b’mod effettiv ċerti prattiki ta’ bejgħ aggressivi min-naħa tal-kumpaniji ta’ direttorju, u li jiġu inforzati sanzjonijiet eżemplari u disważivi kontrihom.

1.3

Minħabba l-urġenza apparenti biex tittieħed pożizzjoni immedjata dwar din il-kwistjoni, u d-daqs u l-gravità preżunti ta’ dawn il-prattiki f’termini ekonomiċi fil-livell Ewropew, il-KESE jaċċetta li l-Kummissjoni għandha tippreżenta immedjatament proposta leġislattiva speċifika dwar din il-kwistjoni, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt.

1.4

Il-KESE jemmen li għal dan il-għan għandu jiġi adottat regolament qafas, possibbilment żviluppat permezz ta’ atti ddelegati, sabiex jiġi żgurat infurzar iktar uniformi u effettiv fl-Istati Membri kollha.

1.5

Fid-dawl tan-natura tagħha, il-KESE jemmen li l-bażi legali adatta għandha tinkludi, iżda ma tistax tkun limitata għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-suq intern u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha m’għandux ikun ristrett għal tranżazzjonijiet transkonfinali.

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jwissi dwar il-ħtieġa li tingħata atttenzjoni lin-natura trans-Ewropea ta’ ħafna minn dawn il-prattiki, li jirrikjedu azzjoni internazzjonali koordinata.

1.7

Madankollu, il-KESE jemmen li l-aħjar mod kif jiġu stabbiliti regoli koerenti u konsistenti li jipprojbixxu prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa li ssir reviżjoni konġunta tad-Direttiva 2006/114/KE u d-Direttiva 2005/29/KE sabiex jiġu indirizzati fl-istess ħin ir-relazzjonijiet bejn in-negozji u dawk bejn in-negozji u l-konsumaturi, billi jiġu preżervati l-ispeċifiċitajiet tat-tnejn li huma fi ħdan qafas komuni, u għal din ir-raġuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda azzjoni fuq medda qasira ta’ żmien.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tinforza miżuri komplementarji sabiex jitjiebu l-informazzjoni u t-tixrid, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi, il-pjattaformi pubbliċi-privati u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-partijiet interessati, kif ukoll il-mekkaniżi ta’ reazzjoni bil-ħeffa sabiex jitwaqqfu dawn il-prattiki u jiġi żgurat kumpens għall-ħsara, l-iżjed permezz tal-ħolqien immedjat ta’ sistema ġudizzjarja Ewropea għal azzjonijiet ta’ grupp, li tħabbar iktar minn tletin sena ilu u mbagħad ġie pospost diversi drabi.

1.9

Il-KESE jesprimi r-rieda tiegħu li jinvolvi l-membri tiegħu fil-ħidma futura f’dan il-qasam, billi jemmen li jista’ jikkontribwixxi l-esperjenza tal-membri tiegħu, li huma rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tat-tliet gruppi ta’ interess rappreżentati fi ħdan il-KESE u li huma partikolarment adatti u kkwalifikati għal dan ix-xogħol.

2.   L-isfond u l-aspetti soċjoekonomiċi tal-proposta

2.1

Mhux kollox jista’ jiġi ġġustifikat f’isem in-negozju. Fil-qasam tal-komunikazzjoni kummerċjali bejn in-negozji, b’mod partikolari, hemm regoli bażiċi li huwa essenzjali li jiġu rispettati sabiex jiġu żgurati kompetizzjoni bla distorsjonijiet u suq li jiffunzjona tajjeb. U jekk ma jiġux rispettati b’mod volontarju, ikollhom isiru obbligatorji u infurzati.

2.2

F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tressaq sensiela ta’ miżuri biex jiġu miġġielda ċerti prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li jwettqu l-kumpaniji tar-reklamar, b’mod speċjali dawk li joriġinaw minn skemi qarrieqa tal-kumpaniji ta’ direttorju.

2.3

L-għan huwa li jingħata ħarsien aħjar lin-negozju, b’mod speċjali fejn huma kkonċernati l-SMEs, l-iżjed b’rabta ma’ prattiki li jikkonsistu f’kumpaniji ta’ direttorju li jibagħtu talbiet mhux mixtieqa u mhux mitluba fejn jistiednu lin-negozji jirreġistraw jew jaġġornaw id-dettalji tagħhom f’direttorju tan-negozju, taparsi b’xejn, meta fil-fatt ikunu soġġetti għal miżati annwali sussegwenti li ma jkunux ġewx negozjati jew aċċettati minn qabel.

2.4

Wara li wettqet konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ id-Direttiva 2006/114/KE li tikkonċerna reklamar qarrieqi u komparattiv billi tipprojbixxi b’mod espliċitu prattiki bħall-ħabi tal-intenzjoni kummerċjali ta’ komunikazzjoni ta’ reklamar u, fl-istess waqt, issaħħaħ l-infurzar transkonfinali.

2.5

Il-Komunikazzjoni ssemmi wkoll:

a)

il-fatt li ma jeżistux kampanji ta’ informazzjoni adegwati dwar dawn il-prattiki;

b)

in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-mekkaniżmi adatti għas-soluzzjoni ta’ tilwim, li huma ineffiċjenti, idumu wisq, iqumu wisq flus, u li ma joffru l-ebda garanzija ta’ kumpens adegwat u f’waqtu għall-ħsara mġarrba;

c)

in-nuqqas ta’ netwerk ċentralizzat sabiex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-monitoraġġ ta’ ilmenti mill-kummerċjanti.

2.6

Il-Kummissjoni testima li l-ħsara finanzjarja kkawżata minn dan it-tip ta’ attività tilħaq bejn EUR 1 000 u 5 000 fis-sena għal kull kumpanija kkonċernata.

3.   Kummenti dwar il-kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1   Aspetti sostantivi

3.1.1

Kif diġà ntqal f’Opinjoni preċedenti, il-KESE jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni kummerċjali b’mod ġenerali, u r-reklamar b’mod partikolari, fil-forom kollha tagħha, taqdi rwol soċjali u ekonomiku importanti ħafna, li ġie deskritt fil-qosor b’mod tajjeb mill-International Advertising Association (IAA – l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Reklamar), li l-fehma tagħha tenfasizza b’mod partikolari r-rwol tal-komunikazzjoni kummerċjali fit-tixrid tal-innovazzjoni, it-tħeġġiġ tal-kreattività u tad-divertiment, biex tipprovdi inċentivi għall-kompetizzjoni u twessa’ l-għażla (1).

3.1.1.1

Minkejja dan, filwaqt li huwa ċar li xi kumpaniji tar-reklamar jaġixxu b’mod mhux korrett fil-mod kif jippubbliċizzaw il-prodotti tagħhom u kif jippruvaw jiġbdu l-klijenti, huwa importanti għall-Kummissjoni li tenfasizza l-fatt li għalkemm ħafna ilmenti dwar prattiki qarrieqa jinvolvu kumpaniji li jwettqu dan it-tip ta’ attività, dan ma jfissirx li anke fil-każ partikolari ta’ kumpaniji ta’ direttorju mhijiex attività leġittima essenzjali għall-ħajja ekonomika tal-kumpaniji li jużawhom biex jirreklamaw l-attivitajiet tagħhom.

3.1.2

Il-KESE jirrikonoxxi r-rilevanza u ż-żmien adatt ta’ din il-Komunikazzjoni anke jekk tiffoka l-iżjed fuq il-problemi li jinħolqu mill-mod kif il-kumpaniji ta’ direttorju jiġbdu l-klijenti.

3.1.3

Il-KESE josserva li l-Kummissjoni għandha raġun tenfasizza n-natura transkonfinali ta’ din il-problema u li tixtieq tiggarantixxi mhux biss regoli u prattiki adegwati iżda anke li dawn jiġu implimentati b’mod effiċjenti, u li jistgħu jiġu monitorjati u soġġetti għal superviżjoni u pieni.

3.1.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma ġietx preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt adatta li kienet tipprovdi argumenti iktar b’saħħithom għall-għażliet proposti billi l-ispejjeż u l-benefiċċji fil-fatt ma ġewx identifikati jew evalwati b’mod ċar.

3.1.4.1

Barra minn hekk, ġiet tard wisq il-valutazzjoni tal-impatt li kienet diġà ġiet imħabbra mill-Kummissjoni fil-laqgħa tagħha tal-partijiet interessati tal-1 ta’ Marzu 2013, u anke jekk f’dan l-istadju l-ambitu u l-kontenut ġenerali tagħha mhumiex magħrufa, mhijiex deċiżiva biżżejjed biex tippermetti li ssir għażla informata.

3.1.5

Barra minn hekk, mhux biss mill-perspettiva pura ta’ interpretazzjoni legali iżda wkoll f’termini ta’ protezzjoni aktar effiċjenti u effettiva tan-negozju, il-KESE mhuwiex ċert li l-kwistjoni fil-qofol tat-tħassib tal-Kummissjoni tista’ fil-fatt tiġi mħaddna fid-direttiva li l-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi.

3.1.5.1

Fil-fatt, il-prattika li qed tiġi kkunsidrata hija komunikazzjoni kummerċjali f’sens usa’; mhuwiex reklamar iżda tattika ta’ bejgħ aggressiva u qarrieqa, li għandha titqiegħed fil-kuntest ħafna iżjed wiesa’ ta’ prattiki kummerċjali mhux ġusti u abbużivi, u anke tal-liġi kriminali.

3.1.5.2

Fil-fatt, il-kunċett tar-reklamar jeskludi mill-ambitu tiegħu kull tip ta’ komunikazzjoni fejn il-promozzjoni ta’ prodotti jew servizzi speċifiċi mhijiex intenzjonata jew suġġerita b’mod indirett, inklużi komunikazzjonijiet li jseħħu f’relazzjonijiet kummerċjali li m’għandhomx l-għan li jfornu prodotti jew servizzi ġodda.

3.1.5.3

Skont id-Direttiva 2005/29/KE, prattika kummerċjali titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni mhux vera, u għalhekk ma tkunx korretta fattwalment jew fi kwalunkwe mod ieħor, inkluża l-preżentazzjoni globali, tqarraq jew aktarx se tqarraq il-konsumatur medju, anke jekk l-informazzjoni hija korretta fattwalment, b’rabta ma’ element wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin, u fi kwalunkwe każ twassal jew aktarx twassal biex konsumatur jieħu deċiżjoni f’tranżazzjoni li kieku ma kienx jieħu. Fi kliem ieħor, id-definizzjoni ta’ prattiki qarrieqa mhijiex limitata għall-promozzjoni ta’ prodotti, u tista’ tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn il-promozzjoni ta’ prodott ma tkunx suġġerita u għal komunikazzjonijiet li jseħħu f’relazzjonijiet kummerċjali.

3.1.6

Barra minn hekk, fil-“Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa” (2) il-Kummissjoni sewwa għamlet li wissiet kontra r-riskju ta’ kunflitt u rduppjar bejn id-diversi azzjonijiet tal-UE li jimmiraw lill-istess gruppi u arranġamenti simili mhux koordinati, biex b’hekk tinħoloq aktar konfużjoni matul it-traspożizzjoni ta’ atti legali mill-Istati Membri (3).

3.1.7

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma organizzatx diskussjoni dwar id-diversi għażliet, u lanqas ma qajmithom matul il-konsultazzjoni pubblika, fejn għażlet minflok li tagħżel l-għażla li tista’ ssarraf f’inqas vantaġġi għall-kumpaniji, b’mod speċjali l-SMEs. Billi l-Kummissjoni tidher li diġà ddeċidiet liema għażla beħsiebha tadotta f’Ottubru li ġej, kif tħabbar, jidher pjuttost bla skop li tiġi ppreżentata valutazzjoni tal-impatt li tinkludi ħames għażliet, meta l-għażla kienet diġà fatta mill-bidu nett.

3.1.8

Minħabba l-urġenza apparenti biex tittieħed pożizzjoni immedjata dwar il-kwistjoni ċentrali tal-kumpaniji ta’ direttorju, li diġà ntweriet fi studji u riżoluzzjonijiet preċedenti tal-PE, u l-enormità u l-gravità estimata ta’ dawn il-prattiki f’termini ekonomiċi fil-livell Ewropew (4), il-KESE jaċċetta li l-Kummissjoni għandha tippreżenta immedjatament proposta leġislattiva speċifika dwar din il-kwistjoni, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn kumpaniji jiġu assedjati minn theddid kontinwu ta’ azzjoni legali f’ġurisdizzjonijiet barranin, bi “spejjeż amministrattivi” dejjem jiżdiedu u telefonati kważi ta’ theddid minn kumpaniji li jirkupraw id-dejn.

3.1.8.1

Barra minn hekk, mhumiex biss l-SMEs iżda wkoll il-professjonisti, l-NGOs, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi privati u anke d-dipartimenti tal-awtoritajiet pubbliċi li kienu taħt il-mira ta’ dawn il-prattiki. Huwa għalhekk li għandhom jiġu inklużi, meta dan ikun adatt, fl-ambitu tagħha billi jiġi estiż il-kunċett ta’ “kummerċjant” biex ikopri dawk kollha li jistgħu jkunu taħt il-mira ta’ dawn il-prattiki u li mhumiex protetti minn strumenti leġislattivi oħra.

3.1.9

Madankollu, il-KESE jemmen li approċċ iktar koerenti kien jestendi l-kunċett ta’ prattiki kummerċjali mhux ġusti, fil-forma ta’ prattiki qarrieqa u aggressivi, flimkien ma’ lista sewda mehmuża bħala anness għad-Direttiva 2005/29/KE, biex jinkludi relazzjonijiet bejn in-negozji.

3.1.10

It-twessigħ tal-ambitu ta’ din id-direttiva kien ikollu vantaġġ ieħor, dak li tiġi żgurata armonizzazzjoni aħjar billi l-Istati Membri ma jkollhomx joħolqu atti legali jew leġislattivi ġodda biex jittrasponu d-direttiva, iżda biss jestendu l-ambitu tal-liġijiet domestiċi li diġà jeżistu dwar prattiki kummerċjali mhux ġusti. Dan kien jiżgura li l-leġislazzjoni tal-UE tiġi applikata b’mod korrett (5).

3.1.11

Barra minn hekk, emenda żgħira għad-Direttiva 2006/114/KE, fuq il-linji ambigwi ssuġġeriti mill-Kummissjoni, mhux se tiżgura protezzjoni għall-SMEs fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni. Barra mill-fatt li dawn il-prattiki huma aggressivi u mhux azzjonijiet qarrieqa, skont it-tifsira tad-Direttiva 2005/29/KE, joriġinaw ukoll minn relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti preċedentement, u għalhekk ma jistgħux jiġu inklużi fil-qafas tar-reklamar.

3.1.12

Huwa għalhekk li mingħajr preġudizzju għall-punt imqajjem fi 3.1.8, il-KESE jargumenta li l-Kummissjoni se jkollha tieħu passi fil-futur qrib biex tadotta approċċ orizzontali, tippromovi iktar konsistenza fir-regoli relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni u l-proprjetà intellettwali u industrijali, u tiżgura protezzjoni aktar uniformi tal-prattiki kummerċjali kollha fis-suq tal-konsumaturi u fir-relazzjonijiet kuntrattwali kollha bejn il-kummerċjanti, f’konformità mar-riżoluzzjoni tal-PE dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u ġust.

3.1.13

Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal aktar koordinaazzjoni bejn DĠ JUST, DĠ COMP, DĠ MARKT u DĠ ENTR fir-rigward tal-azzjonijiet li jridu jittieħdu f’dan il-qasam u fi proposti futuri ta’ politika u leġislattivi li jsegwu l-prijoritajiet politiċi stabbiliti fis-Small Business Act.

3.1.14

Minkejja dak li ntqal hawn fuq, u li kieku l-Kummissjoni kellha tagħmel għażla oħra, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-kunċett ta’ prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma “l-iżjed dannużi” jiġi definit f’termini konkreti u li jkun speċifiku fil-kontenut tiegħu sabiex ikun ċar liema huma l-prattiki kummerċjali li jitqiesu li jeħtieġu aktar protezzjoni mill-oħrajn.

3.1.15

Il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tagħti indikazzjoni iktar ċara tas-sitwazzjonijiet li jridu jiżdiedu mal-“lista sewda”, filwaqt li japprova bis-sħiħ l-eżistenza tagħha, billi l-lista ta' prattiki pprojbiti b’mod kategoriku għandha tkun kemm jista’ jkun preċiża u eżawrjenti. Il-Kummissjoni tista’ diġà ssib biżżejjed materjal biex tipprepara l-lista sewda fit-tweġibiet għall-investigazzjoni tagħha u l-kontribut ta’ diversi partijiet interessati fil-laqgħa li saret fl-1 ta’ Marzu 2013 (6).

3.1.16

F’dan il-każ il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tikkunsidra jekk tkunx idea tajba li titfassal lista griża ta’ prattiki li jistgħu jkunu illegali f’ċirkostanzi speċifiċi li għandhom jiġu evalwati fil-qorti skont il-każ.

3.1.17

B’mod simili, il-KESE jemmen li barra mit-tfassil ta’ listi, se jkun neċessarju wkoll li tissaħħaħ u tiġi ċċarata t-tifsira ta’ reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv illegali f’approċċ sistematiku f’qafas legali wiesa’ li jiżgura li prattiki ġodda inġusti jkunu koperti mil-leġislazzjoni riveduta.

3.1.18

Minkejja l-punt li tqajjem f’3.1.8, il-KESE jemmen li l-qafas legali tad-Direttiva 2005/29/KE se jkollu jitwessa’ f’ħin f’waqtu, l-iżjed sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni attwali għall-konsumaturi tiġi estiża u applikata b’mod ugwali lil xi intrapriżi żgħar u mikro, taħt kundizzjonijiet definiti b’mod preċiż u rigoruż, meta jkunu f’sitwazzjonijiet komparabbli, kif diġà jseħħ fis-sistemi legali ta’ diversi Stati Membri, u kif jitolbu bix-xieraq l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw dawn in-negozji (7).

3.1.19

Fil-fatt, il-KESE jemmen li dawn huma żewġ aspetti differenti ta’ sitwazzjoni komuni u li għandna kull interess li nirrivedu d-Direttiva 2005/29/KE, fid-dawl tal-valutazzjoni reċenti ta’ din id-direttiva (8), b’mod simultanju u b’mod parallel mad-Direttiva 2006/114/KE, billi huma interkonnessi u komplementarji (9).

3.1.20

In-natura ta’ dawn il-prattiki u l-attivitajiet ta’ kumpaniji ħatja ta’ ksur tal-liġi huma xhieda tal-ħtieġa għal strument ġudizzjarju għal azzjoni kollettiva ta’ grupp, li tiggarantixxi reazzjonijiet effiċjenti u protezzjoni aħjar għall-kummerċjanti fis-soluzzjoni ta’ kull tilwim li jista’ jinqala’, mhux biss biex dawn il-prattiki jitwaqqfu (10), iżda wkoll biex jiġi żgurat kumpens adegwat għall-ħsara mġarrba.

3.2   Aspetti formali

3.2.1

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkjarifika l-bażi legali għal dawn il-miżuri f’dan l-istadju, u b’mod aktar speċifiku, jekk huma intenzjonati biss biex jappoġġjaw l-ikkompletar tas-suq intern jew għal raġunijiet oħra.

3.2.2

B’mod ugwali, il-KESE jemmen li l-istrument legali l-iżjed adegwat sabiex dan iseħħ huwa regolament, sabiex tiġi żgurata aktar ċertezza legali u armonizzazzjoni effettiva.

4.   Analiżi tal-metodoloġija

4.1

Fir-rigward tal-kalendarju propost, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi stabbiliti mill-Kummissjoni, jiġifieri t-twaqqif immedjat ta’ netwerk ta’ awtoritajiet biex iżidu l-infurzar tad-direttiva dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, u biex jaqsmu informazzjoni.

4.2

Il-KESE jilqa’ wkoll it-twaqqif ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni fl-infurzar, simili għal dik prevista fir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u b’hekk jiġu introdotti obbligi ta’ għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, u miżuri sabiex jiġu identifikati l-awtoritajiet tal-infurzar, mingħajr ħsara għall-għażliet li jinvolvu pjattaformi pubbliċi-privati, kif jiġri fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-estensjoni tal-kooperazzjoni biex tinkludi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-partijiet interessati..

4.3

Bħala riżultat ta’ dan, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu segwiti prattiki fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi (11) u s-soluzzjoni ta’ tilwim u t-twaqqif ta’ netwerk Ewropew sabiex l-SMEs jiġu megħjuna fis-soluzzjoni ta’ tilwim transkonfinali billi l-kumpaniji li ġew imqarrqa jiġu diretti lejn il-mekkaniżmi legali l-iżjed adatti.

4.4

Il-KESE jemmen ukoll li jridu jiġu stabbiliti attivitajiet ta’ taħriġ, informazzjoni u ta’ qsim ta’ prattiki tajba għan-negozji kollha sabiex jiġu avżati dwar il-perikli inerenti f’dawn il-prattiki.

4.5

Barra minn hekk, u jekk inżommu f’moħħna l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-prattiki qarrieqa jseħħu f’ambjent diġitali, il-KESE jemmen li huwa neċessarju li jiġi promoss approċċ aktar assertiv u adegwat lejn il-protezzjoni tal-SMEs, filwaqt li jitqiesu l-prattiki ta’ provvedituri intermedjarji tal-internet u r-relazzjonijiet kuntrattwali li jinħolqu minn pjattaformi bħall-eBay jew pjattaformi mfassla speċifikament għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn kummerċjanti.

4.6

Il-KESE jixtieq iżid jgħid li l-Kummissjoni trid tqis id-dimensjoni internazzjonali ta’ dawn il-prattiki fil-kuntest tar-rappreżentazzjoni tagħha fl-OECD (12). L-UE u l-Istati Membri tagħha huma mħeġġa jiddiskutu mal-OECD l-estensjoni tal-“Linji Gwida għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi minn Prattiki Kummerċjali Qarrieqa Transkonfinali” (Guidelines for Protecting Consumers from Fraudulent Commercial Practices Across Borders) biex jinkludu r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-EUROPOL twaqqaf proġett ta’ riċerka dwar il-frodi marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni għall-massa fl-UE: id-dimensjoni tal-ħsara finanzjarja u l-għadd ta’ vittmi; ir-rwol tal-ikbar atturi transkonfinali u l-possibbiltà li l-qligħ jiġi investit f’attivitajiet jew negozji mhux legali.

4.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li l-Kummissjoni tressaq pakkett finanzjarju, għax dan huwa vitali biex jiġu implimentati l-miżuri proposti.

4.8

Fir-rigward tal-ħidma futura, il-KESE jixtieq isemmi b’mod speċifiku r-rieda tiegħu li jipparteċipa f’din il-ħidma permezz tar-rappreżentanti tiegħu, billi jemmen li jista’ jikkontribwixxi l-esperjenza tal-membri tiegħu, li huma rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tat-tliet gruppi ta’ interess rappreżentati fi ħdan il-KESE, u li huma partikolarment adatti u kkwalifikati għal dan ix-xogħol.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 6.

(2)  COM(2013) 37 final.

(3)  Irrid niftakru wkoll il-problemi li nħolqu b’rabta mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE, li ġew rikonoxxuti mill-Parlament Ewropew (ara State of play of the Implementation of the provisions on advertising in the unfair commercial practices legislation, IP/A/IMCO/ST/2010-04, PE 440.288).

(4)  Ara d-data pprovduta minn Netherlands Fraudehelpdesk.nl.

(5)  Barra minn hekk, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar prattiki kummerċjali inġusti u reklamar qarrieqi, il-Parlament Ewropew kien diġà qajjem tħassib li diversi Stati Membri kienu ħolqu aktar konfużjoni għall-konsumaturi u n-negozji billi ddiżaggregaw il-“lista sewda” inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 2005/29/KE bit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha fis-sistemi legali tagħhom.

(6)  L-eżempji jinkludu:

a)

Prattiki ta’ tranżazzjonijiet onlajn fejn informazzjoni dwar it-tranżazzjoni ma tingħatax bl-istess mod lil kull min huwa involut, u b’hekk jirriżulta f’diskriminazzjoni kontra wħud mill-partijiet.

b)

Irkanti onlajn u prattiki ta’ bejgħ (eBay). Huwa ċar issa li f’sitwazzjonijiet bħal dawn xi kultant jaqbel li wieħed jirreġistra bħala konsumatur għaliex dan joffri sensiela aħjar ta’ garanziji.

c)

Prattiki li jinvolvu l-preżentazzjoni ta’ prodotti li għandhom ikunu ċertifikati iżda li ma jkollhom l-ebda akkreditazzjoni.

d)

Prattiki fejn kumpaniji jgħidu li jagħmlu parti minn awtorità pubblika u jġiegħlu lil kummerċjanti jissottoskrivu għal servizz jew jixtru prodott billi jingannawhom biex jaħsbu li qed jikkonformaw ma’ regolamenti tat-taxxa jew tas-sikurezza.

e)

Prattiki li jinvolvu l-bejgħ transnazzjonali ta’ prodotti mingħajr avviż minn qabel lix-xerrejja li servizzi ta’ wara l-bejgħ mhumiex garantiti barra mill-pajjiż tal-oriġini tal-prodott.

f)

Prattiki li jinvolvu t-twaqqif ta’ websajts komparattivi maħsuba l-iżjed biex jikkonvinċu lill-kummerċjanti biex jixtru prodott billi jippreżentawh bħala l-iżjed adatt għall-profil tan-negozju tagħhom. Fir-realtà, diversi minn dawn l-għodod komparattivi, b’mod speċjali fis-settur finanzjarju, ma joffru l-ebda informazzjoni dwar in-natura tal-websajt jew il-mudell ta’ finanzjament tagħha.

g)

Prattiki ta’ reklamar diġitali “mistura” li jinvolvu l-iktar il-konsumaturi/negozji (fil-biċċa l-kbira minnhom imħallsa mill-kumpanija) li jitfgħu tweġibiet fuq netwerks soċjali fejn jinkoraġġixxu ’l-kummerċjanti biex jużaw dik il-kumpanija.

h)

Prattiki li jinvolvu l-użu ta’ testijiet komparattivi skaduti jew li saħansitra lanqas biss jeżistu.

i)

Prattiki li jassumu minn qabel il-kunsens implikat ta’ kummerċjant biex jixtri prodott jew jissottoskrivi għal servizz.

(7)  Dan jikkorrispondi għall-għażla 5 fil-valutazzjoni tal-impatt li qed tiġi mfassla bħalissa.

(8)  COM(2013) 138 final, 14.3.2013.

(9)  L-Awstrija hija eżempju wieħed ta’ allinjament bejn id-Direttiva 2006/114/KE u d-Direttiva 2005/29/KE billi matul it-traspożizzjoni, il-kelma “konsumatur” ġiet sostitwita b’“il-mira ta’ prattiki kummerċjali”, u b’hekk ma jkun hemm l-ebda dubju li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE huma applikati wkoll għar-relazzjonijiet bejn kummerċjanti (ara IP/A/IMCO/ST/2010-04, PE 440.288 li hemm referenza għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 hawn fuq).

(10)  Għalhekk huwa essenzjali li jiżdied l-istrument leġislattiv futur fil-lista inkluża fl-Anness I għad-Direttiva 2005/29/KE.

(11)  http://ec.europa.eu/consumers/index_mt.htm

(12)  Id-dimensjoni internazzjonali tal-fenomenu toħroġ fid-dieher bl-International Mass-Marketing Fraud Working Group (IMMFWG) (Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali għall-Frodi fil-Kummerċjalizzazzjoni tal-Massa), netwerk indipendenti magħmul minn korpi ta’ sigurtà, ta’ regolazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi minn seba’ pajjiżi (l-Awstralja, il-Belġju, il-Kanada, il-Pajjiżi Baxxi, in-Niġerja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti) u l-Europol. L-għan tal-Grupp huwa li jiffaċilita l-iskambju internazzjonali tad-data u l-informazzjoni, li jikkoordina operazzjonijiet transkonfinali maħsubin biex jinterċettaw u jwaqqfu każijiet ta’ frodi fil-kummerċjalizzazzjoni tal-massa u lil dawk li jwettquhom, iżda wkoll biex isaħħaħ l-għarfien u l-edukazzjoni tal-pubbliku fil-qasam tal-frodi fil-kummerċjalizzazzjoni tal-massa ta’ natura internazzjonali.

Ara “Mass-marketing fraud: a threat assessment” IMMFWG, Ġunju 2010.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni Doganali”

COM(2012) 791 final

2013/C 271/12

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar il-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew dwar l-Istat tal-Unjoni Doganali

COM(2012) 791 final.

Is-Sezzjoni Specjalizzata ghas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni taghha nhar id-29 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-22 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat b’mod ġenerali jaqbel mal-Komunikazzjoni li ħarġet il-Kummissjoni. Huwa jappoġġja unjoni doganali b’saħħitha li tista’ tagħti kontribut utli għall-kompetittività u t-tħaddim tajjeb tas-suq intern fl-Unjoni Ewropea.

1.2

Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex hija u tfassal pjan ta’ azzjoni tqis b’mod partikolari r-riċerka u l-valutazzjonijiet interni u esterni tal-funzjonament dwar it-tħaddim tal-unjoni doganali, bħal dawk li saru fl-aħħar tliet snin.

1.3

Il-Kumitat iqis li huwa ferm importanti li jkun hemm politika doganali unika bbażata fuq proċeduri uniformi, trasparenti, effettivi, effiċjenti u semplifikati, li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiffaċċja l-kompetituri dinjija u li permezz tagħhom id-drittijiet u s-sigurtà tal-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej, fosthom il-proprjetà intellettwali jistgħu jiġu protetti. Fl-istess ħin għandu jiġi evitat li l-Istati Membri jkollhom idejhom marbuta fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni doganali biex ikunu jibqgħu jikkunsidraw il-volum tal-flussi kummerċjali.

1.4

Fid-dawl tal-importanza kbira li l-Kummissjoni tagħti fil-Komunikazzjoni lill-iffaċilitar tal-kummerċ, huwa kruċjali li l-kapaċitajiet operattivi tas-servizzi doganali jkunu jistgħu jiġu mfassla għall-flussi kummerċjali nazzjonali biex, b’mod partikolari tiżdied l-effiċjenza sabiex il-kummerċ jiġi faċilitat kemm jista’ jkun; tkun ħaġa tajba li fil-futur ikun hemm armonizzazzjoni bbażata fuq l-aħjar prattika u approċċ ibbażat fuq sistemi.

1.5

Il-Kumitat xtaq li l-Komunikazzjoni tidħol iktar fid-dettall dwar il-miżuri speċifiċi għall-perjodu l-medju u fit-tul. Il-prijoritajiet ġew stabbiliti biss għall-2013. B’xorti tajba għas-snin ta’ wara tirreferi għall-mudell li għad irid jitfassal li ser joħroġ fl-2014.

1.6

Il-Kumitat jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li l-injezzjonijiet finanzjarji huma meħtieġa biex is-servizzi doganali jkunu jistgħu jiġġieldu kontra l-frodi u l-kriminalità b’mod iktar kosteffiċjenti u biex jitnaqqas id-dewmien fil-flussi kummerċjali.

2.   Daħla

2.1

It-tielet parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (wieħed mit-Trattati ta’ Lisbona, (TFUE)) dwar il-politika u l-funzjonament intern tal-Unjoni tinkludi żewġ artikoli relattivament qosra, f’termini ġenerali ħafna (l-Artikoli 26 u 27 TFUE) dwar is-suq intern, definit bħala “arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.”

2.2

Kien biss fl-1986, bl-Att Uniku Ewropew li dan is-suġġett iddaħħal fit-Trattati Ewropej (l-Artikolu 8A tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat KEE)), fejn l-ikkompletar tas-suq intern kien ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 1993, iżda li b’xorti ħażina għad irid isir.

2.3

Min-naħa l-oħra, b’xorti tajba l-affarijiet imxew ħafna aħjar fil-każ tal-predeċessur u l-element essenzjali tas-suq intern, l-unjoni doganali, li bħall-eżempju tal-kooperazzjoni li rnexxiet fil-Benelux diġà kien iddaħħal fl-ewwel Trattat KEE (it-Trattat ta’ Ruma) tal-1958.

2.4

F’għoxrin artikolu dettaljati ħafna, it-Trattat jistabbilixxi l-azzjoni li trid tittieħed u l-iskadenza meħtieġa fi żmien 15-il sena, l-itwal perjodu stabbilit għall-perjodu ta’ transizzjoni (l-Artikolu 8(5)), għall-introduzzjoni ta’ projbizzjoni bejn l-Istati Membri għad-dazji fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u ta’ kull tariffa li jkollha effett ekwivalenti applikabbli għall-kummerċ kollu tal-merkanzija u l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

2.5

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jissemmewx biss fit-Trattat ta’ Ruma (l-Artikolu 9 tat-Trattat KEE), imma anke iktar minn ħamsin sena fit-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 28 tat-TFUE). Iżda fid-dawl ta’ dak kollu li ġara qabel – fl-1968 ma kien hemm l-ebda leġislazzjoni doganali dwar il-fruntieri nazzjonali; wara dan dehru diversi regoli doganali u tal-oriġini, li rriżultaw fil-Kodiċi Doganali Komunitarju tal-1992 u t-Tariffa Doganali Komuni tal-1987, u b’hekk it-Trattat ta’ Lisbona issa għandu tliet artikoli qosra ħafna dwar l-unjoni doganali (l-Artikoli 30-32 tat-TFUE), minflok l-għoxrin artikolu dettaljat li hemm fit-Trattat ta’ Ruma.

2.6

Apparti l-pedamenti legislattivi msemmija hawn fuq l-istrumenti legali jippermettu li f’certi oqsma, fosthom l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-prekursuri tad-droga, il-beni kulturali, il-kontroll tal-flus kontanti, il-monitoraġġ tas-suq, leġislazzjoni tal-protezzjoni ċivili u ambjentali, ikun hemm infurzar tar-regoli mid-dwana fl-Unjoni Ewropea.

2.7

L-unjoni doganali, kif hemm stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva definita fl-Artikolu 2(1) tat-TFUE, tal-Unjoni Ewropea. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni doganali taqa’ f’idejn l-Istati Membri. (tfakkira: is-suq intern huwa kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, skont l-Artikolu 2(2) tat-TFUE).

2.8

Il-valur miżjud tal-unjoni doganali jintwera b’mod iktar ċar b’dawn iċ-ċifri tal-Kummissjoni Ewropea: 17 % tal-kummerċ dinji jgħaddi mis-servizzi doganali Ewropej u jġib miegħu mal-EUR 3 300 biljun fis-sena.

3.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1

Fil-21 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ħarġet din il-Komunikazzjoni dwar l-istat tal-unjoni doganali, biex f’nofs il-mandat ta’ din il-Kummissjoni tiġi evalwata s-sitwazzjoni, liema għanijiet intlaħqu u liema sfidi għad hemm għall-ġejjieni.

B’mod iktar speċifiku, l-għanijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ din il-Komunikazzjoni kienu:

li jiġi enfasizzat il-valur miżjud tal-importanza fundamentali tas-servizzi li tagħti l-unjoni doganali u li sservi għat-tkabbir, il-kompetittività u s-sigurtà tas-Suq Intern u l-Unjoni Ewropea;

li jigi rikonoxxut li l-unjoni doganali qed tigi kkonfrontata bi sfidi li jeħtiegu risposta Ewropea; u

li jitfassal pjan ta’ azzjoni biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi u biex fl-2020 ikun hemm unjoni doganali magħquda bi prestazzjoni aħjar, iktar robusta u iktar b’saħħitha.

3.2

Fi ħdan dawn l-għanijiet, fil-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tqis li bħala punt ta’ tluq għal dibattitu hemm dawn it-tliet punti importanti:

l-ikkompletar tal-modernizzazzjoni li nbdiet fl-2003, bl-iffinalizzar u l-adozzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju l-ġdid tal-Unjoni u l-miżuri delegati u ta’ implimentazzjoni rilevanti, u bl-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-Istati Membri;

it-twaqqif u l-għeluq tal-lakuni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni doganali kif ukoll it-twaqqif tal-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati. Ftit tas-snin ilu saret awtovalutazzjoni (self-assessment) mill-Kummissjoni u dalwaqt ser tigi ppubblikata valutazzjoni esterna dwar it-tħaddim tal-unjoni doganali;

it-twettiq tal-bidliet fl-istruttura tal-governanza, bil-għan li jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-unjoni doganali. Il-Kummissjoni beħsiebha toħroġ mudell dwar dan fl-2014.

3.3

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew:

biex jiffinalizzaw il-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali mingħajr dewmien;

biex fi djalogu mal-partijiet interessati rilevanti, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjonijiet riċenti interni u esterni u l-analiżi tad-differenzi, jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-unjoni doganali;

il-governanza; biex fir-rigward tal-amministrazzjoni operattiva sħiħa tal-unjoni doganali jigu riformati l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Wieħed mill-passi li jmiss f’dan il-kuntest għandu jkun li jitfassal mudell għar-riforma sal-2014.

3.4

Fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tinnota li minħabba ż-żieda fil-globalizzazzjoni l-Istati Membri waħedhom m’għadhomx kapaċi jiffaċċjaw dawn l-isfidi b’mod effettiv. Huwa tal-fehma li l-globalizzazzjoni teħtieġ Ewropa iktar magħquda u li dan joħloq il-bżonn għal iktar integrazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat japprezza li l-Kummissjoni ħarġet b’din il-Komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali f’nofs il-mandat tagħha. Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza kbira tal-unjoni doganali ghall-UE, b’mod partikolari ghat-tkabbir, il-kompetittività u s-sigurtà tas-suq intern.

4.2

Il-Kumitat iqis li hemm sfidi esterni u interni li jridu jigu ffaċċjati mill-Unjoni Ewropea.

4.2.1

Fost l-isfidi esterni nsibu: il-flussi kummerċjali dejjem jiżdiedu, ktajjen ta’ loġistika ġodda u kumplessi, bidliet fil-pressjoni tal-kompetizzjoni, iż-żieda fil-kriminalità, b’mod partikolari l-frodi, u l-attivitajiet terroristiċi u l-istennijiet ta’ aġenziji oħra ta’ infurzar li għalihom iwettqu kompiti s-servizzi doganali.

4.2.2

Fost l-isfidi interni l-Kumitat jinnota l-ineffiċjenzi u n-nuqqas ta’ effikaċja minħabba d-differenzi fl-implimentazzjoni mis-27 Stat Membru, peress li kull Stat Membru pereżempju żviluppa sistema proprja għall-IT, b’metodi differenti ta’ ħidma u differenzi konsiderevoli bejn il-livelli ta’ taħriġ li minħabba fihom ma jistax ikun hemm implimentazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni Ewropea fl-Istati Membri. Din il-problema ħraxet iktar u iktar minħabba l-kriżi ekonomika.

4.3

Il-Kumitat iqis li huwa ferm importanti li jkun hemm politika doganali unika bbażata fuq proċeduri uniformi, trasparenti, effettivi, effiċjenti u semplifikati, li permezz tagħha l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiffaċċja l-kompetituri dinjija u li permezz tagħha d-drittijiet u s-sigurtà tal-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej, inkluża l-proprjetà intellettwali, ikunu jistgħu jiġu protetti.

4.4

Dan diġà ġie rrakkomandat f’Opinjoni (1) reċenti u minħabba l-importanza qed tiġi enfasizzata mill-ġdid hawn fuq.

4.5

Il-Kumitat jenfasizza li għandu jiġi evitat li l-Istati Membri jispiċċaw b’idejhom marbutin fl-implimentazzjoni tal-politika doganali biex ikunu jistgħu jibqgħu jqisu l-volumi tal-flussi kummerċjali konċernati. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza li l-Istati Membri żiedu l-mezzi tagħhom biex jiffaċilitaw il-kummerċ: proċeduri mingħajr karti, proċeduri ssemplifikati, implimentazzjoni ta’ status ta’ operatur approvat.

4.6

Għalhekk l-armonizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar prattika u mhux fuq il-medja Ewropea.

4.7

Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li tkun ħaġa tajba li jekk l-għan huwa li x-xogħol isir b’mod kosteffiċjenti u mmirat lejn ir-riżultati, anke f’termini finanzjarji fir-rigward tad-dħul, u biex isir progress ġenwin, il-kontrolli m’għandhomx isiru transazzjoni transazzjoni imma b’approċċ ibbażat fuq sistemi u fuq valutazzjoni tar-riskju.

4.8

Anke l-Kunsill Kompetittività tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2012 fil-konklużjonijiet tiegħu enfasizza li għandha tkompli tiġi promossa l-applikazzjoni uniformi tal-leġislazzjoni doganali u approċċi moderni u armonizzati għall-kontrolli doganali filwaqt li fejn ikun adatt u b’kunsiderazzjoni tal-implikazzjonijiet għall-operaturi u għall-Istati Membri ikun hemm il-flessibbiltà għal soluzzjonijiet nazzjonali (2).

4.9

Fl-istess ħin il-Kunsill jisħaq li għandha tittejjeb il-kooperazzjoni ma’ aġenzji oħra kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE fil-qasam tas-sikurezza, is-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent, kif ukoll mal-imsieħba internazzjonali filwaqt li tiġi rispettata d-diviżjoni tal-kompetenza bejn l-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam (3).

4.10

Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li l-unjoni doganali tista’ tkompli tiġi żviluppata biss jekk ikun hemm mekkaniżmu għall-kejl u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħha.

4.11

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minbarra l-proċeduri doganali stretti jista’ jkun hemm ostakli bħal infrastruttura difettuża mal-fruntieri esterni, li qed ixekklu l-ikkompletar fluwidu. Fir-rigward tal-involviment tal-pajjiżi terzi, din il-problema għandha tissolva l-ewwel nett b’koordinazzjoni magħhom.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat bi tħassib jinnota l-inugwaljanza dejjem ikbar bejn il-piż tax-xogħol dejjem jiżdied u t-tnaqqis kontinwu fil-persunal tad-dwana. Minkejja l-fatt li ħafna kompiti saru awtomatizzati, il-piż tax-xogħol żdied għall-ħaddiema tad-dwana. Din il-problema, fejn it-taħrig u l-edukazzjoni kontinwa għandhom rwol importanti x’jaqdu, jistħoqqilha hafna iktar attenzjoni.

5.2

Fl-aħħar mill-aħħar il-Kumitat jaħseb li għandha titwaqqaf skola Ewropea għat-taħrig doganali biex il-persunal tad-dwana tal-Istati Membri jilħqu l-livell meħtieġ.

5.3

Il-Kumitat iqis li s-sigurtà tal-katina tat-twassil u l-ġestjoni tar-riskju huma ta’ importanza kbira ghall-unjoni doganali. Il-Kumitat dalwaqt ser joħroġ Opinjoni wkoll dwar il-Komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni li dehret dan l-aħħar (COM(2012) 793 final; INT/681, relatur: is-Sur Pezzini).

5.4

Bl-istess mod, il-Kumitat jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-problemi li jinħolqu b’riżultat tal-approċċi differenti għall-ksur tal-liġijiet doganali tal-UE u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, anki jekk dan ikun biss abbażi ta’ trattament indaqs. Hawnhekk għandu jitqies ukoll li t-tibdil fis-sistemi nazzjonali tas-sanzjonijiet fil-legislazzjoni doganali u kriminali huwa kwistjoni sensittiva ghall-Istati Membri.

5.5

Bħala l-ewwel pass, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu armonizzati t-tipi ta’ ksur tal-liġi, bħalma jsir fit-trasport (4).

5.6

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita sensiela ta’ proċeduri standard li fil-futur għandhom isiru parti mil-leġislazzjoni, sabiex id-dwana tkun f’qagħda aħjar li tinforza projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet legali fir-rigward tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija.

5.7

Il-Kumitat xtaq li l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tidħol iktar fid-dettall dwar l-impatt tal-proposti tagħha fuq il-pressjoni tar-regolazzjoni u l-piż amministrattiv.

5.8

Prestazzjoni aħjar tal-kompiti doganali hija essenzjali. Għalhekk jeħtieġ tiġi żviluppata kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tad-dwana, jissaħħu s-setgħat tal-aġenti u jiġu żviluppati strateġiji Ewropej reali kontra l-frodi. Jista’ jkun hemm ukoll ċirkustanzi fejn tkun ħaġa tajba li jkun hemm trasferiment ta’ ċerti kompiti u ħidmiet minn kull Stat Membru individwali għal istituzzjonijiet komuni, li jkunu jew relatati mal-Kummissjoni jew immexxija mill-Istati Membri b’mod konġunt, pereżempju jekk permezz tagħhom ikun jista’ jsir iffrankar finanzjarju kbir.

5.9

Huwa kien jistenna wkoll iktar informazzjoni dwar il-kuntest f’din il-Komunikazzjoni. B’xorti ħażina dan mhuwiex il-każ u għalhekk huwa diffiċli li din il-Komunikazzjoni tingħata valutazzjoni adatta. B’xorti tajba l-Kummissjoni tistqarr b’mod ċar li l-proposti leġislattivi li jmiss ser ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt.

5.10

L-istess bħall-Kummissjoni, il-Kumitat huwa mħasseb dwar l-osservazzjoni li l-ikbar effiċjenza u effikaċja possibbli ntlaħqu bil-ġestjoni attwali tal-unjoni doganali u b’mod partikolari bil-proċessi Komunitarji. Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm sistema ta’ ġestjoni moderna u effiċjenti li tiffunzjona disponibbli għas-servizzi doganali biex ħidmiethom tibqa’ effettiva u kosteffiċjenti.

5.11

Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali għandhom jingħataw mezzi finanzjarji suffiċjenti lis-servizzi doganali, pereżempju għall-aġġornament tas-sistemi tal-IT, biex il-frodi u l-kriminalità jkunu jistgħu jiġu miġġielda b’mod effettiv.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, pġ. 68-71.

(2)  Konklużjonijiet dwar il-Progress fl-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali, it-3208 laqgħat tal-Kunsill Kompetittività, Brussell, 10 u 11 ta’ Diċembru 2012.

(3)  Idem.

(4)  Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi r-regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva — qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli”

COM(2012) 740 final

2013/C 271/13

Relatur: is-Sur DE LAMAZE

Nhar id-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli

COM(2012) 740 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-linji ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni attwali fir-rigward tal-governanza korporattiva.

1.2

Il-KESE jwissi kontra r-riskju li jiżdied il-piż leġislattiv tal-konformità għall-intrapriżi li huma elenkati fil-Borża u jfakkar li l-intrapriżi għandhom ħtieġa vitali ta’ suq finanzjarju miftuħ. Bilanċ ġust bejn miżuri leġislattivi u standard legali mhux vinkolanti, bħar-rakkomandazzjonijiet u l-kodiċi ta’ governanza, jiddependi mid-dettalji tal-implimentazzjoni ta’ kull inizjattiva ppreżentata.

1.3

B’mod partikolari, fir-rigward tal-miżura innovattiva li tirrekjedi li l-intrapriżi jkunu trasparenti dwar il-politika ta’ remunerazzjoni tagħhom, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti raġonevoli biex ma tipperikolax l-iżvilupp ta’ dawn l-intrapriżi minħabba li l-piż tal-ispejjeż tal-funzjonament tagħhom jiżdied. Huwa jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li dawn ir-regoli l-ġodda jridu jirrispettaw “il-kunfidenzjalità tan-negozju”.

1.4

Dwar il-kwistjoni essenzjali tal-vot tal-azzjonisti dwar il-politika tar-remunerazzjoni, il-KESE jqis li t-tfittxija għal armonizzazzjoni Ewropea ma tistax tmur lil hinn minn vot konsultattiv mingħajr ma tqajjem dubji dwar il-bażi tal-liġi tal-kumpaniji.

1.5

Fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt li hija ppjanata, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa kemm fil-fatt kull inizjattiva tapplika għall-każ speċifiku tal-SMEs.

1.6

B’mod kumplimentari għall-inizjattivi mħabbra, il-KESE jqis li f’perspettiva ta’ funzjonament tajjeb tal-intrapriżi, partikolarment f’perjodu ta’ kriżi, kien hemm bżonn li tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati.

1.7

Barra minn hekk, il-KESE jappella għat-tisħiħ tat-taħriġ tal-amministraturi u jenfasizza li jkun opportun li jiġi promoss l-iskambju dwar prattiki tajba osservati fil-qasam.

1.8

Fil-qasam tad-dritt soċjetarju, il-KESE jqis li huwa meħtieġ li l-prijoritajiet jiġu ffukati mill-ġdid fuq il-proġett tal-kumpanija privata Ewropea kif ukoll fuq miżuri bil-għan li jiffaċilitaw it-trasferiment tal-uffiċċji rreġistrati fi ħdan l-UE. F’kull każ, il-parteċipazzjoni tal-impjegati trid tiġi aasigurata u msaħħa b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konsultazzjoni speċifika tal-imsieħba soċjali li hija prevista fit-trattati Ewropej.

1.9

Il-KESE ma jaqbilx mal-idea li l-kunċett tal-“interess tal-grupp” jingħata rikonoxximent, li fuq tul ta’ żmien ikollha l-konsegwenza li ddgħajjef il-prinċipju tal-indipendenza tal-persuni morali fi ħdan grupp ta’ kumpaniji, b’mod partikolari jekk huma ma jkunux Ewropej. Barra minn hekk huwa mħasseb dwar il-loġika li tagħti prijorità lill-interess tal-grupp bi ħsara għal dak ta’ kumpanija sussidjarja li tista’ tiġi sagrifikata.

2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1

B’koerenza mal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-“Ewropa 2020” li fiha għamlet appell għat-titjib fl-ambjent tal-intrapriżi fl-Ewropa, f’dan il-pjan ta’ azzjoni l-Kummissjoni qed tipproponi inizjattivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-qafas ta’ governanza korporattiva fl-UE b’konformità ma’ żewġ linji ta’ azzjoni:

bis-saħħa ta’ trasparenza akbar kemm fil-konfront tal-azzjonisti, tal-pubblikukif ukoll tal-intrapriżi: divulgazzjoni tal-politika dwar id-diversifikazzjoni tal-bordijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ sorveljanza u tal-politika ta’ ġestjoni ta’ riskji mhux finanzjarji (riskji strateġiċi, operazzjonali u ta’ konformità …); titjib fl-ispjegazzjonijiet li l-intrapriżi jridu jagħtu f’każ ta’ deroga għar-rakkomandazzjonijiet tal-kodiċi ta’ governanza; divulgazzjoni tal-politiki tal-vot tal-investituri istituzzjonali, identifikazzjoni tal-azzjonisti;

bis-saħħa ta’ parteċipazzjoni akbar tal-azzjonisti: sorveljanza tal-politika ta’ remunerazzjoni; estensjoni tad-dritt tagħhom fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati; qafas għall-attività tal-kunsilliera fil-vot; kjarifika tal-kunċett ta’ “azzjoni koordinata”, inkoraġġiment tal-azzjonisti impjegati.

2.2

B’mod parallel tħabbru diversi inizjattivi fil-qasam tad-dritt soċjetarju, li fid-definizzjoni tagħhom jirrigwardaw mhux biss il-kumpaniji elenkati fil-Borża iżda wkoll il-kumpaniji anonimi kollha: il-faċilitazzjoni tal-operazzjonijiet transkonfinali (fużjonijiet u diviżjonijiet transkonfinali, u, eventwalment it-trasferiment tal-uffiċċji rreġistrati), analiżi tas-segwitu li jrid jingħata lill-proposta li jinħoloq statut għal Kumpanija Privata Ewropea, kampanji ta’ informazzjoni dwar l-istatut tal-kumpanija Ewropea u ta’ Soċjetà Kooperattiva Ewropea, miżuri li jimmiraw gruppi ta’ intrapriżi (rikonoxximent tal-kunċett tal-“interess ta’ grupp” b’mod partikolari), kodifikazzjoni tad-dritt soċjetarju Ewropew. Dawn l-inizjattivi kollha ser ikunu s-suġġett ta’ valuzzjonijiet tal-impatt ex-ante, u jistgħu jiġu modifikati bħala konsegwenza.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-miżuri mħabbra f’dan il-pjan ta’ azzjoni li, f’dak li jirrigwarda l-governanza korporattiva jimxi fid-direzzjoni ta’ konsolidazzjoni akbar, ħlief għal xi eċċezzjonijiet li ser jiġu studjati aktar tard, aktar milli bdil approfondit fil-qafas attwali.

3.2   F’dan il-pjan ta’ azzjoni jidher li hemm sforz biex jintlaħaq ċertu bilanċ bejn miżuri leġislattiv u standard legali mhux vinkolanti – rakkomandazzjonijiet u kodiċi ta’ governanza. Il-KESE jinnota li kull obbligu supplimentari fil-qasam tat-trasparenza, u b’mod partikolari fil-qasam tal-politiki tar-remunerazzjoni, ser ikollu impatt fuq l-ispejjeż tat-tħaddim tal-intrapriżi.

3.3   Il-KESE huwa diżappuntat li, filwaqt li l-pjan ta’ azzjoni jimmira li jtejjeb il-parteċipazzjoni tal-azzjonisiti, ma jfittix li jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati ’mod komplementari, li kien enfasizza l-importanza tagħha fir-risposta tiegħu għall-Green Paper tal-2011 (1). Fil-fatt, il-KESE jixtieq ifakkar li fil-leġislazzjoni tal-UE, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa magħruf li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-prestazzjoni tal-intrapriża.

3.4   Lil hinn mill-pjan ta’ azzjoni attwali, huwa jagħraf li jkun utli jekk il-kontenut u n-natura eżatti tal-kunċett ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jiġu speċifikati fir-rigward tal-bażi tad-dritt soċjetarju li jista’ jiġi modifikat minħabba fih (2). Il-KESE huwa favur approċċ li huwa bbażat fuq pluralità ta’ partijiet interessati, li jikkorrispondi għall-isfidi li jkollhom quddiemhom l-intrapriżi li jfittxu żvilupp fit-tul u li jieħdu impenn fir-rigward tal-impjegati tagħhom u tal-ambjent tagħhom. Dan it-tip ta’ approċċ jimplika djalogu soċjali tajjeb u klima ta’ fiduċja bbażati fuq dispożizzjonijiet ċari fil-qasam tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni fejn dawn jeżistu. F’dan is-sens, il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi li jiġu studjati toroq ġodda, bħall-kunċett ta’ intrapriża sostenibbli (sustainable company) (3)

3.5   B’konsistenza mar-risposta li kien ta għall-Green Paper tal-2011, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li governanza korporattiva tajba tiddependi wkoll mill-kompetenzi – partikolarment legali u finanzjarji – tal-membri tal-bord amministrattiv. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li t-taħriġ ta’ dawn il-membri jiġi adattat għat-tip ta’ intrapriża, b’mod partikolari d-daqs tagħha, u jinkoraġġixxi kull inizjattiva intiża biex tippromovi l-iskambju ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam. Huwa jemmen li jkun utli jekk dan l-aspett ikun is-suġġett ta’ rakkomandazzjoni futura tal-Kummisssjoni. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ sigurtà legali, b’mod partikolari għall-SMEs u l-impjegati tagħhom, il-miżuri li għandhom l-għan li jikkompletaw id-dritt soċjetarju Ewropew għandhom jevitaw kull forma ta’ “shopping” għas-sistema li jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tar-reġistrazzjoni ex nihilo ta’ entitajiet Ewropej jew is-separazzjoni tal-istabbiliment amministrattiv u s-sede soċjali tal-intrapriża.

3.6   Il-governanza korporattiva

3.6.1

Il-KESE kien diġà fakkar li l-governanza korporattiva għandha l-għan li tassigura s-sopravivenza u l-prosperità tal-intrapriża (4) billi tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ kunfidenza bejn l-atturi differenti (5). Bħalma hu l-każ tad-dritt soċjetarju Ewropew, l-inizjattivi fil-qasam tal-governanza għandhom jikkontribwixxu biex jiffaċilitaw il-ħajja u t-tħaddim tal-intrapriżi u biex dawn ikunu kompetittivi.

3.6.2

Fir-rigward tat-tnaqqis qawwi osservat fl-għadd ta’ kumpaniji ġodda elenkati fil-Borża u l-għadd li qed jikber ta’ kumpaniji li qed joħorġu mill-borża, il-KESE jfakkar li l-intrapriżi, u l-SMEs, b’mod partikolari, għandhom bżonn essenzjali ta’ aċċess għas-suq finanzjarju. Id-diffikultajiet attwali biex numru minn dawn l-intrapriżi jiksbu finanzjament iwaqqaf l-iżvilupp tagħhom b’mod konsiderevoli. Biex jassigura suq finanzjarju miftuħ, il-KESE jqis li huwa essenzjali li ma jiżdidux il-limitazzjonijiet li huma diġà qawwija marbuta mal-governanza korporattiva għall-kumpaniji elenkati fil-Borża, u b’mod partikolari l-SMEs, biex b’hekk l-elenkar fil-Borża ma jkomplix isir inqas attraenti. Barra minn hekk, huwa jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li jiżdied in-nuqqas ta’ bilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji elenkati fil-Borża u dawk li mhumiex, dawn tal-aħħar m’humiex soġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza li huma imposti fuq tal-ewwel, filwaqt li huma l-kumpaniji elenkati fil-Borża li jiggwadanjaw mill-informazzjoni li jkunu qed ixandru l-oħrajn.

3.6.3

Il-KESE jiddispjaċih li l-preokkupazzjoni espressa mill-Kummissjoni biex titqies in-natura speċifika tal-SMEs – f’termini ta’ daqs kif ukoll ta’ strutturi tal-azzjonisti – ma tissemmiex ħlief f’termini ġenerali ħafna u mhijiex maqsuma fid-dettall u b’mod speċifiku għal kull inizjattiva proposta.

3.6.4

F’dan ir-rigward il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi modifikata d-definizzjoni Ewropea tal-SMEs biex ikunu jistgħu jitqiesu aħjar il-karatteristiċi ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju.

3.6.5

Aktar minn approċċ regolatorju, il-KESE jirrakkomanda kemm jista’ jkun approċċ li jiddefinixxi l-prinċipji li wara l-Istati Membri jadattaw bl-aħjar mod għall-karatteristiċi nazzjonali. Fl-2003 (6), il-Kummissjoni kienet diġà ġibdet l-attenzjoni għall-konverġenza konsiderevoli tal-kodiċi nazzjonali tal-governanza korporattiva. Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni tidher li qed tieħu dan l-approċċ fuq il-punti essenzjali tal-pjan ta’ azzjoni attwali, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib tal-ispjegazzjonijiet li jridu jagħtu l-kumpaniji li jitbiegħdu mill-kodiċi.

3.6.6

Fir-rigward tal-għan ġenerali tat-trasparenza, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni mmirati li jimplimentaw fl-UE kollha regoli li qed jiġu implimentati f’xi Stati Membri, b’mod partikolari dawk li jippromovu l-prestazzjoni fit-tul tal-intrapriżi. Id-diffikultà tidher li qiegħda biex jinstab il-punt ta’ bilanċ bejn l-eżiġenzi leġittimi tat-trasparenza u l-ħtieġa li t-tkabbir tagħhom ma’ jiġix imfixkel minn piż amministrattiv żejjed u bid-divulgazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva għall-kompetittività.

3.6.7

Peress li jqis li l-eżiġenza tal-“konformità jew spjegazzjoni” hija fil-bażi tal-prinċipji tal-governanza, il-KESE jaqbel li hemm bżonn ta’ implimentazzjoni aktar rigoruża tagħha. Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon inizjattiva tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

3.6.8

Il-KESE jieħu nota tar-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-rwol tal-azzjonisti, biex jinstab bilanċ sodisfaċenti bejn il-poteri differenti. Huwa konxju tal-fatt li apparti d-drittijiet mħabbra biex jippermettu lill-azzjonisti jipparteċipaw aktar hemm ukoll dmirijiet li huma jridu jwettqu.

3.6.9

Peress li għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi promoss id-djalogu bejn l-azzjonisti u l-emittenti, il-KESE jagħti importanza speċjali lill-inizjattiva li timmira li tippromovi li l-intrapriżi jsiru jafu lill-azzjonisti tagħhom, li huwa prerekwiżit indispensabbli. L-istrument Ewropew futur f’dan il-qasam irid jagħti każ tad-differenzi fil-leġislazzjoni dwar il-ħarsien tad-data personali.

3.6.10

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta li tobbliga lill-investituri istituzzjonali li jiddivulgaw il-politiki ta’ vot u ta’ impenn tagħhom, u b’mod partikolari l-pjani tagħhom ta’ investiment fil-kumpaniji li huma jixtru l-ishma tagħhom.

3.6.11

Dwar il-kwistjoni essenzjali tal-vot tal-azzjonisti dwar il-politika tar-remunerazzjoni u r-rapport dwar ir-remunerazzjoni, il-KESE jqis li t-tfittxija għal armonizzazzjoni Ewropea ma tistax tmur lil hinn minn vot konsultattiv.

3.7   Id-dritt soċjetarju

3.7.1

Fost l-inizjattivi differenti li tħabbru, il-KESE għandu prijoritajiet differenti minn dawk proposti mill-Kummissjoni.

3.7.2

Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, il-KESE jqis li l-isforzi dwar il-proġett tal-kumpanija privata Ewropea għandhom jitkomplew u li għandha tinstab soluzzjoni li tiġbed kunsens.

3.7.3

Il-KESE jqis li huwa daqstant ieħor importanti li jiġu ffaċilitati t-trasferimenti tal-uffiċċji rreġistrati fi ħdan l-UE u li l-inizjattiva f’dan il-qasam li qed jitlob għandha tkompli tiggarantixxi l-kundizzjonijiet biex l-impjegati jipparteċipaw b’mod attiv.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-governanza korporattiva

4.1.1

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-intrapriżi jtejbu l-kwalità tal-ispjegazzjonijiet li għandhom jippreżentaw meta jitbiegħdu mill-kodiċi ta’ governanza. Xi drabi, dawn l-ispjegazzjonijiet jidhru eżerċizzju fir-retorika, meta għall-kuntrarju huma għandhom ikunu ġustifikati b’mod adatt u jsemmu meta jkun rilevanti s-soluzzjoni alternattiva li ġiet implimentata.

4.1.2

Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni tħalli r-responsabbiltà tal-kodiċi nazzjonali f’idejn l-Istati Membri biex jiċċaraw il-modalitajiet li jippermettu li jittejbu d-dikjarazzjonijiet dwar il-prattiki ta’ governanza.

4.1.3

Kif diġà rrimarka (7), il-kwalità tajba tal-ispjegazzjonijiet li għandhom jagħtu l-intrapriżi tħares qabel kollox l-istess interessi tal-kumpanija, u din tiġi penalizzata mis-suq f’każ li l-ispjegazzjonijiet ikunu insuffiċjenti.

4.1.4

Jekk il-Kummissjoni tixtieq li tikkontrolla jew saħansitra tiċċertifika l-kwalità tal-informazzjoni dwar il-governanza trasmessa lis-swieq, il-KESE jixtieq jiċċara li mhuwiex favur approċċ vinkolanti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa jindika d-diffikultà teknika li proġett bħal dan ikollu li, bħad-Direttiva dwar il-kontroll legali tal-awditjar statutorju li tistabbilixxi kumitat tal-awditjar, jirrikjedi li jiġu definiti kriterji omoġenji fil-livell tal-UE applikabbli għall-intrapriżi kollha.

4.1.5

Il-miżura li l-aktar li tista’ żżid il-piżijiet amministrattivi għall-intrapriżi tirrigwarda l-eżiġenzi tat-trasparenza fir-rigward tal-politiki tar-remunerazzjoni u d-dettalji tar-remunerazzjonijiet individwali tal-amministraturi, li attwalment huma bbażati fuq diversi rakkomandazzjonijiet u kodiċi nazzjonali ta’ governanza, u li għalihom il-Kummissjoni qed tipprevedi strument vinkolanti fil-livell tal-UE fil-pjan ta’ azzjoni tagħha. Il-KESE jista’ jaċċetta miżura bħal din biss sakemm l-implimentazzjoni konkreta tagħha ma ttaqqalx ħafna l-piż regolamentari għall-intrapriżi, dan irid jiġi vvalutat b’mod rigoruż waqt il-valutazzjoni tal-impatt li ssir qabel. Il-KESE jwissi wkoll kontra r-riskju li d-divulgazzjoni tal-kriterji rigward il-parti varjabbli tar-remunerazzjoni għall-amministraturi eżekuttivi tista’ tipperikola “s-sigriet tan-negozju”. Barra mil-livelli tal-ammonti permessi, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-azzjonisti jiġu informati b’mod ċar u komprensiv dwar il-kalkoli u l-kriterji li jkunu intużaw.

4.1.6

Wieħed mill-punti li l-aktar joħloq diffikultajiet f’għajnejn il-KESE jirrigwarda l-kunċett tad-dritt tal-vot tal-azzjonisti fuq il-politika tar-remunerazzjoni u r-rapport dwar ir-remunerazzjonijiet, u jappella li tingħata attenzjoni kbira għall-arranġamenti ta’ dan il-vot. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-Kummissjoni għadha pjuttost vaga dwar il-kwistjoni u ma tiċċarax jekk dan il-vot ikunx konsultattiv jew vinkolanti.

4.1.7

Barra mid-diffikultajiet legali u tekniċi tal-implimentazzjoni, vot vinkolanti jfisser li l-kompetenzi jiġu trasferiti mill-bord għall-azzjonisti. Il-KESE ma jistax jappoġġja din id-direzzjoni, li timmodifika fil-fond id-dritt soċjetarju, anke jekk huwa jemmen li kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar in-natura konsultattiva jew vinkolanti tal-vot.

4.1.8

Il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu dwar din il-kwistjoni favur vot ta’ approvazzjoni filwaqt li jiġi ċċarat li r-riżoluzzjoni fil-qasam tal-politika tar-remunerazzjoni proposta lill-azzjonisti waqt l-assemblea ġenerali trid tiġi diskussa u adottata minn qabel mill-bord kollu, kif diġà jsir fil-Ġermanja (8).

4.1.9

Rigward il-parti varjabbli tar-remunerazzjoni attribwita lill-amministraturi eżekuttivi, il-KESE jrid ifakkar li l-approvazzjoni tal-azzjonisti waqt l-assemblea ġenerali trid tkun marbuta mas-sistema u r-regoli applikati (kriterji ta’ prestazzjoni deċiżi minn qabel u li jistgħu jitkejlu), kif ukoll fuq l-ammont stess – kif jitħallas skont l-istess regoli (9).

4.1.10

Fir-rigward tal-attività tal-konsulenti delegati, il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ regoli aktar stretti. Huwa jirrakkomanda, b’mod partikolari li huma jkunu obbligati li: jiddikjaraw l-politika ta’ vot tagħhom (bir-raġunijiet għar-rakkomandazzjonijiet tagħhom); jippreżentaw l-abbozz ta’ rapport ta’ analiżi tagħhom lill-kumpanija qabel ma jippreżentawh lill-investituri (b’mod li l-kumpanija tkun tista’ tikkomunikalhom il-kummenti tagħha); jiddikjaraw kull kunflitt ta’ interessi li jistgħu jinfluwenzawhom fl-attività tagħhom, partikolarment minħabba relazzjonijiet li jista’ jkollhom mal-kumpanija u l-azzjonisti tagħha, u jsemmu x’miżuri wettqu biex ikunu jistgħu jevitaw dawn il-kunflitti.

4.2   Id-dritt soċjetarju

4.2.1

Il-KESE jqis li l-isforzi dwar il-proġett tal-kumpanija privata Ewropea għandhom jitkomplew u t-twettiq tagħhom għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll mad-dritt soċjetarju li jkun qed jiġi applikat. Lil hinn minn armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, strument uniformi bħall-kumpanija privata Ewropea jista’ jkollu, fil-fehma tiegħu, effett ta’ lieva importanti li jippromovi l-attività transkonfinali tal-SMEs. Il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati fi ħdan l-SPE bl-istess regoli li huma fis-seħħ għall-kumpanija Ewropea u għas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea hija eżiġenza li f’għajnejn il-KESE ma tistax titpoġġa f’dubju mingħajr ma tipperikola l-proġett u hija kundizzjoni essenzjali għall-qbil li l-KESE jixtieq jara.

4.2.2

Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni tar-regoli Ewropej li jridu jiġu implimentati biex jiġi faċilitat it-trasferiment tal-uffiċċji rreġistrati bejn Stat Membru u ieħor, il-KESE kien qed jittama li l-Kummissjoni tkun aktar determinata, peress li hi stess tagħraf il-ħtieġa reali f’dan il-qasam. L-inizjattiva f’dan il-qasam li qed jitlob għandha tkompli tiggarantixxi l-kundizzjonijiet biex l-impjegati jipparteċipaw. L-impjegati għandhom jiġu informati u konsultati dwar it-trasferiment propost, b’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE u d-Direttiva dwar il-Kumitati tal-Intrapriżi Ewropej.

4.2.3

Għall-kuntrarju, il-KESE għandu dubji kbar dwar kull inizjattiva tal-UE li tippromovi li l-kunċett tal-“interess tal-grupp” jingħata rikonoxximent, li fuq tul ta’ żmien ikollha l-konsegwenza li ddgħajjef il-prinċipju tal-indipendenza tal-persuni morali fi ħdan grupp ta’ kumpaniji, b’mod partikolari jekk huma ma jkunux Ewropewj. Minkejja l-atteġġjament prudenti u moderat tal-Kummissjoni, huwa mħasseb ukoll dwar il-loġika li tagħti prijorità lill-interess tal-grupp bi ħsara għal dak ta’ kumpanija sussidjarja li tista’ tiġi sagrifikata. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tibqa’ żżomm ma’ din id-direzzjoni, din tirrikjedi li l-ewwel nett issir ħidma dwar definizzjoni legali komuni tal-kunċett “grupp ta’ kumpaniji”, fil-livell Ewropew, biċċa xogħol li hija partikolarment delikata u iebsa peress li l-kunċetti tal-Istati Membri fil-qasam huma differenti ħafna.

4.2.4

Fid-dawl tal-firxa tal-pjan ta’ azzjoni, il-KESE ma jqisx li l-kodifikazzjoni tad-dritt soċjetarju tal-UE hija prijoritarja minn issa sa l-aħħar tas-sena, biċċa xogħol li b’mod ġenerali tieħu ħafna ħin.

4.2.5

Barra minn hekk, il-KESE jiddubita li dan jista’ jsir fuq il-bażi tal-liġijiet stabbiliti peress li l-Kummissjoni tappella biex in-nuqqasijiet u t-trikkib legali li mhumiex intenzjonati fid-Direttivi jiġu rimedjati.

4.2.6

Fl-aħħar il-KESE jindika d-diffikultà li dan l-eżerċizzju joħloq peress li d-Direttivi inkwistjoni, li fihom għadd ta’ għażliet, diġà ġew trasposti fil-liġijiet nazzjonali fil-biċċa l-kbira tagħhom.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  GU C 24, 28.1.2012, p. 91.

(2)  Fil-fatt, id-dritt soċjetarju huwa bbażat fuq ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti, il-bord amministrattiv u l-eżekuttiv.

(3)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

(4)  GU C 84, 17.3.2011, p. 13

(5)  Direzzjoni, rappreżentanti tal-ħaddiema, investituri, awtoritajiet territorjali.

(6)  Ara l-Komunikazzjoni “Modernising Company Law and Enhancing Corporate Governance in the European Union - A Plan to Move Forward [L-Immodernizzar tad-Dritt Soċjetarju u t-Titjib tat-Tmexxija Korporattiva fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex Nimxu ’l Quddiem]”, COM(2003) 284 final.

(7)  GU C 24, 28.1.2012, p. 91.

(8)  GU C 24, 28.1.2012, p. 91.

(9)  B’konformità ma’ dak li speċifikat il-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-2004.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 — Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa”

COM(2012) 795 final

2013/C 271/14

Relatur: is-Sur LOBO XAVIER

Korelatur: is-Sur LANNOO

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa

COM(2012) 795 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ April

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta' Mejju 2013 (seduta tat-23 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’61 vot favur, 8 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi kbar u l-ebda Stat Membru m’għandu jonqos milli jikkontribwixxi bi spirtu analitiku sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li ħarġu fid-dieher bil-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-qgħad, irrispettivament mit-tip u l-kategorija ta’ nies fis-soċjetà li jolqot, jirrikjedi sforzi konġunti u komuni mill-Istati Membri kollha organizzati fi strateġija komuni li tiġi applikata b’mod differenti skont il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet ta’ kull pajjiż.

1.2

Huwa f’dan l-isfond li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi l-Pjan ta’ Azzjoni “l-Intraprenditorija 2020” biex tippromovi kultura intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni li tippermetti l-ekonomiji tagħna li jirkupraw u toħloq spirtu ġenwin intraprenditorjali fl-Ewropa bil-kapaċità li jispira lis-soċjetà sabiex tikseb l-għanijiet li jikkonċernaw lil kulħadd.

1.3

Din l-opinjoni tanalizza l-valur miżjud tal-ħolqien tal-pjan ta’ azzoni “Intraprenditorija 2020”, li huwa impenn realistiku biex jagħti spinta lill-intraprenditorija u l-intrapriża bħala strument genwinament Ewropew sabiex jikkontribwixxi ħalli tingħeleb il-kriżi, b’enfasi fuq l-investiment f’azzjonijiet speċifiċi u politiki strutturati fil-perjodu qasir, medju u twil b’mod effikaċi biżżejjed biex tinbidel is-sitwazzjoni attwali permezz tat-tisħiħ u l-promozzjoni ta’ attitudni intraprenditorjali li tagħti kontribut fis-soċjetà bħala mutur tal-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Din il-politika intraprenditorjali trid tistimola l-ħolqien tal-forom kollha ta’ intrapriżi. Barra minn hekk trid tippromovi l-iżvilupp ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, tal-artiġjani, tal-professjonisti liberi, tan-negozji tal-familja, tal-kooperattivi u tal-intrapriżi soċjali.

1.4

Il-KESE jqis li s-soċjetà m’għandhiex tqis l-intraprenditorija bħala s-soluzzjoni għall-problemi kollha iżda iktar bħala għajnuna għal bidla fl-imġiba meħtieġa sabiex tinħoloq kultura ta’ innovazzjoni, iffukata fuq it-tiftix tal-għarfien u tal-opportunitajiet tan-negozju bil-għan li tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll benesseri soċjali fil-forom kollha ta’ intrapriża.

1.5

Il-KESE jibża’ li l-qafas finanzjarju pluriniennali approvat mill-Kunsill idgħajjef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” u li dan jispiċċa fil-kapitli tal-intenzjonijiet tajbin mingħajr finanzi adegwati.

1.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li jawtorizza r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan, b’livelli sustanzjali u sostenibbli, u jistiednu jirrifletti dwar dan, huwa jfakkar li l-fondi strutturali jista’ jkollhom sehem importanti f’dan il-kuntest.

1.7

Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li l-“atturi” differenti fil-kamp jingħataw il-mezzi meħtieġa biex ixandru u jwasslu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-intraprenditorija, indipendentement mill-provenjenza tagħhom (settur pubbliku jew privat) jew il-qasam tal-attività.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri b’kollaborazzjoni mill-viċin mal-organizzazzjonijiet differenti rappreżentattivi tal-SMEs, minħabba l-firxa tas-settur tagħhom u tal-importanza tagħhom fil-kuntest Ewropew.

1.9

Il-KESE jirrikonoxxi li l-politiki li jippromovu l-intraprenditorija jridu jkunu koordinati mal-politiki tal-edukazzjoni, billi jassoċċjaw il-korp tal-għalliema u billi l-kunċett ta’ intraprenditorija jsir magħruf mill-ewwel snin tal-iskola. Il-KESE jappella wkoll sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, sabiex tiġi assigurata applikazzjoni armonjuża tal-azzjonijiet proposti.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li kif ġara b’kampanji simili, il-Kummissjoni tiddikjara li waħda mis-sentejn li ġejjin tiġi dikjarata “Is-sena Ewropea għall-intraprenditorija”, biex tħeġġeġ inizjattivi komuni u biex issaħħaħ il-promozzjoni tal-kunċett tal-“intraprenditorija Ewropea”. Din il-proposta ma tmurx kontra l-implimentazzjoni ta’ “Jum tal-UE għall-Intraprenditorija” imsemmija fid-dokument attwali.

1.11

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-raba’ ass ta’ miżuri mmirat li jsaħħaħ l-azzjonijiet ta’ appoġġ, pariri u għajnuna li jingħataw lill-intrapriżi, l-aktar dawk li huma l-iżgħar, bis-saħħa ta’ organizzazzjonijiet intermedji.

1.12

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill li jirrevedu u jimplimentaw sistemi mmirati li jappoġġjaw lill-anzjani li jixtiequ jibdew attività għal rashom filwaqt li huma rtirati u jissemplifikaw il-qafas tal-attività tagħhom fuq il-bażi tal-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-KESE jikkunsidra li l-għażla tat-tliet oqsma li jirrikjedu intervent immedjat u li għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal żvilupp sostnut ta’ spirtu intraprenditorjali u l-intraprenditorija fl-Ewropa jidhru adegwati iżda jirrikjedu l-appoġġ ta’ miżuri speċifiċi applikati lokalment b’viżjoni li hija kemm Ewropea kif ukoll orjentata lejn is-swieq globali. Iżda għalkemm fil-livell kunċettwali huwa adegwat, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tiggarantixxi finanzi sostenibbli biex l-azzjonijiet jitwettqu.

L-oqsma ta’ intervent immedjat huma definiti tajjeb:

(a)

il-promozzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ intraprenditorjali għall-appoġġ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-intrapriżi;

(b)

it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet qafas adatti għall-intraprendituri bit-tneħħija tat-tfixkil strutturali eżistenti, u s-sostenn tal-intrapriżi fil-fażijiet kruċjali taċ-ċiklu tan-negozju, mingħajr ma tintesa l-importanza tal-finanzi fil-proċess;

(c)

ħajja ġdida lill-kultura tal-intraprenditorija fl-Ewropa u l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri.

Fi kliem ieħor it-teħid ta’ azzjoni għat-tħejjija u t-taħriġ tan-nies, il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba għall-intraprenditorja u l-promozzjoni tal-kunċett abbażi tal-kundizzjonijiet li jinħolqu sadattant.

Il-KESE jerġa’ jisħaq li l-kunċett huwa definit tajjeb iżda jirrikjedi l-impenn konġunt tal-Istati Membri u kjarifika dwar il-vijabbiltà finanzjarja tal-pjan.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-intraprenditorija fiha nnifisha hija kunċett li diġà ġie identifikat u rikonoxxut bħala fattur li jiddistingwi s-soċjetajiet żviluppati minn oħrajn u li għandu jkun element pożittiv ta’ soċjetà organizzata (1).

3.2

L-approċċ tas-soċjetà Ewropea lejn l-intraprenditorija jista’ jinbidel billi jsir użu mill-prattiki tajba u l-eżempji ta’ suċċess li jeżistu flimkiem ma’ kunċetti bażiċi assoċjati mal-kultura tal-intraprenditorija filwaqt li jitqies il-fatt li l-investiment li għandu jsir għandu jiffoka fuq l-isfruttar tal-kapital uman Ewropew li huwa rikk. Ir-riżorsi tal-qafas finanzjarju pluriennali jridu jagħtu kas ta’ din il-ħtieġa ta’ promozzjoni u disseminazzjoni tal-prattiki tajbin li jeżistu fost l-organizzazzjonijiet u r-rappreżentanti tal-SMEs fl-Istati Membri differenti.

3.3

Biex din il-bidla meħtieġa fl-atteġġjament tirnexxi, iridu jiddaħħlu ċerti ideat li ma jingħatawx l-attenzjoni li tixraqilhom fid-dokument. Eżempju ta’ dan huwa l-kunċett tal-proprjetà intellettwali u d-dritt tal-awtur. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tintegra dawn il-kunċetti essenzjali sabiex jinkisbu l-għanijiet globali tad-dokument (2) fl-abbozzar tal-azzjonijiet ipprogrammati li jridu jiġu żviluppati. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni ferma dwar dan fil-korpi li jiggovernaw il-kummerċ dinji f’dawn l-oqsma.

3.4

Minkejja l-intenzjonijiet tajba tad-dokument, ftit għandu xi jgħid dwar il-metodu tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki li għandhom jippromovu l-Istati Membri. Il-KESE jemmen li għandu jittieħed kont tal-fatt li ħafna minn dawn il-politiki jista’ jkollhom effett prattiku biss jekk l-Istati Membri jaqdu rwol attiv fil-proċess tal-bidla kulturali, xi ħaġa li tidher li hija diffiċli fl-ambjent ekonomiku attwali mingħajr rikors lejn il-fondi mill-programmi Ewropej. Il-KESE jisħaq li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni “Intraprenditorija 2020” ikun aktar effikaċi jekk jingħaqdu magħha r-rappreżentanti differenti tal-SMEs, biex b’hekk tiġi garantita l-parteċpazzjoni tal-atturi rilevanti għall-kwistjonijiet li jridu jiġu affrontati, fil-persettiva tal-bidla meħtieġa fl-imġiba.

3.5

F’dan ir-rigward, il-KESE jinsab imħasseb dwar l-assenza ta’ baġit speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jiddubita kemm il-Pjan jista’ jiġi implimentat mingħajr baġit adatt għall-proposti ppreżentati. Huwa jfakkar ukoll li l-Fondi Strutturali jista’ jkollhom rwol essenzjali fil-proċess u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużawhom b’mod adatt ħalli jippromovu l-intraprenditorija fil-qafas ta’ referenza li jmiss għall-UE. Is-segwitu u l-valutazzjoni tal-azzjonijiet iridu jitqiesu waqt li jintużaw il-Fondi Strutturali.

3.6

Il-KESE jirrakkomanda li kif ġara b’kampanji simili, il-Kummissjoni tiddikjara li waħda mis-sentejn li ġejjin tkun “Is-sena Ewropea għall-intraprenditorija”, biex tħeġġeġ inizjattivi relevanti u komuni għall-promozzjoni tal-kunċett tal-“intraprenditorija Ewropea”.

3.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ it-tnaqqis tal-burokrazija involuta fil-ħolqien u l-iżvilupp tal-intrapriżi u jitlob lill-Istati Membri li jadottaw miżuri komuni li jħarsu lis-suq Ewropew minn kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi jew reġjuni oħra tad-dinja.

3.8

Il-KESE jinnota li l-Istati Membri għandhom, bħala parti mill-programmi tal-promozzjoni tal-intraprenditorija, jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, li jagħtu lill-intraprendituri l-istess tip ta’ protezzjoni bħal ħaddiema oħra u b’hekk titjieb il-protezzjoni ta’ dawk li għalihom ir-riskju huwa ċ-ċavetta tas-suċċess tal-proġetti tagħhom.

3.9

Il-KESE jitlob li jitwaqqaf tim virtwali ta’ “ambaxxaturi tal-intraprenditorija” jiġifieri nies li għandhom storja ta’ suċċess intraprenditorjali sabiex jgħinu biex jittejjeb il-profil tal-intraprendituri u tal-persuni tan-negozju u b’hekk jibdlu b’mod pożittiv il-perċezzjonijiet fis-soċjetà. Dan it-tim jista’ jxerred il-valuri tal-intraprenditorija u jippromovi inizjattivi komuni b’mod relattivament koordinat f’kull pajjiż. Il-Kummissjoni diġà ħadet l-ewwel pass f’din id-direzzjoni billi kull sena tippubblika l-ktejjeb “Secret of Success” waqt il-Ġimgħa Ewropea tal-SMEs li fih ikun hemm ambaxxaturi tal-intraprenditorija li jinsabu fl-Istati Membri. L-istess jgħodd għall-inizjattiva “Start up Europe” fil-qafas tal-aġenda diġitali.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Il-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-edukazzjoni intraprenditorjali

4.1.1

Il-KESE jagħraf u jikkonferma li huwa importanti ħafna li ninvestu fil-promozzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali sabiex jinkisbu l-għanijiet proposti b’mod partikolari b’rabta mal-bidla kulturali li hemm bżonn fis-soċjetà. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li dan il-kunċett jiġi promoss mill-ewwel snin tal-iskola; madankollu huwa jfakkar li huwa jkopri realtajiet differenti skont l-istrutturi tas-soċjetà u l-fażijiet differenti tal-ħajja taċ-ċittadini. Huwa għandu jiġi promoss ukoll b’aċċettazzjoni wiesgħa. Pereżempju, is-soċjetà ċivili hija soltu ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-intraprenditorjat soċjali, dimensjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-kunċett ġenerali tal-intraprenditorija. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li dan il-kunċett jiġi rikonoxxut u appoġġjat.

4.1.2

Jeżisti korp sostanzjali ta’ prattiki tajba fl-Istati Membri kollha li jista’ u li għandu jitferrex u jiġi applikat skont il-karatteristiċi u l-bżonnijiet ta’ kull Stat Membru. Jekk l-inizjattivi differenti jiġu promossi u mferrxa b’mod tajjeb, dan jista’ joħloq ambjent li jagħti spinta lill-perċezzjonijiet tal-importanza tal-intraprenditorija u tal-kultura intraprenditorjali. Huwa importanti li l-qafas finanzjarju pluriennali jimmobilizza riżorsi suffiċjenti biex l-awtoritajiet u r-rappreżentanti differenti tal-SMEs jxerrdu u jippromovu dawn il-prattiki tajbin.

4.1.3

Dwar dan il-prinċipju, il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-idea tal-promozzjoni ta’ prattiki tajba f’dawn l-oqsma iżda jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li ma ninsewx il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u nadattaw il-miżuri skonthom.

4.1.4

Il-KESE jfakkar li wieħed jista’ janalizza l-possibbiltajiet li huma diġà offruti min-Netwerk tal-Intrapriżi Ewropej għall-promozzjoni fl-Istati Membri u l-informazzjoni għalihom dwar il-pjan ta’ azzjoni. Biex din il-ħidma tkun possibbli, ikun hemm bżonn li titħeġġeġ il-kollaborazzjoni ta’ dan in-netwerk mal-organizzazzjonijiet differenti li huma kkonċernati mill-promozzjoni tal-intraprenditorija, b’mod partikolari dawk marbutin mal-SMEs, filwaqt li jitqies il-fatt li dan in-netwerk huwa xi ftit jew wisq dinamiku skont il-pajjiż.

4.2   Il-promozzjoni ta’ kultura intraprenditorjali

4.2.1

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-politiki li jimmiraw li jimmobilizzaw is-soċjetà madwar l-intraprenditorija fuq il-bażi ta’ mudelli li kellhom suċċess u ta’ każijiet li diġà ġew validati. L-eżempji tajbin ġeneralment jiġu kkuppjati mis-soċjetà, dan hu mod effikaċi biex tiġi promossa perċezzjoni pożittiva tal-ispirtu intraprenditorjali mal-gruppi mmirati differenti.

4.2.2

Madankollu huwa assolutament meħtieġ, kif diġà ntqal, li l-kultura tal-intraprenditorija tiġi promossa minn kmieni fost iż-żgħażagħ. Teżisti relazzjoni ta’ kawża u effett fil-gruppi mmirati li tħeġġeġ l-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Iż-żgħażagħ huma motivati u jirreaġixxu tajjeb għall-inkoraġġiment tal-promozzjoni ta’ kultura u ta’ ambjent li jiffavorixxi l-ħolqien ta’ xi ħaġa fuq inizjattiva tagħhom u li jkunu responsabbli għaliha huma, huma juru entużjażmu għall-proġetti li jkunu verament personali. Minn kmieni, iż-żgħażagħ jidħlu fi proġetti li waqthom huma jistgħu jitgħallmu b’mod prattiku kif ikunu intraprendituri u jsiru eżempji tajbin ta’ kultura intraprenditorjali u ta’ kooperazzjoni bejn l-individwi li jaqsmu l-istess valuri u jkollhom għanijiet komuni, b’hekk ir-riżultati fil-futur ikunu aħjar. Għaldaqstant ir-rwol tal-għalliem huwa essenzjali biex jinbidel l-atteġġjament u l-KESE jappoġġja inizjattivi li jgħinu lill-korp tal-għalliema jwasslu u jippromovu dan il-kunċett. Eżempju tajjeb ta’ programm li huwa mutur tal-intraprenditorija huwa l-“F1 in Schools” (3) Il-KESE jfakkar ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport “Entrepreneurship in education” (l-intraprenditorija fl-edukazzjoni) li joffri sintesi tal-istrateġiji differenti applikati fl-Ewropa biex jippromovu l-edukazzjoni intraprenditorjali (4).

4.2.3

Il-KESE jenfasizza li m’hemmx kultura uniformi tal-intrapriżi iżda kulturi differenti skont id-daqs, in-natura u s-settur tal-attività. Għaldaqstant, l-azzjonijiet ta’ promozzjoni jridu min-naħa jirrigwardaw it-tipi kollha ta’ intrapriżi filwaqt li jkun hemm attenzjoni biex ma jiġix privileġġjat xi mudell wieħed. Huma jridu jindirizzaw ukoll lill-imsieħba tal-intrapriżi, l-aktar il-banek, l-awtoritajiet pubbliċi u l-mezzi tax-xandir biex ikunu jistgħu jagħtu każ tad-differenzi kulturali fl-informazzjoni li jgħaddu u fl-għażliet ta’ politiki tagħhom.

4.2.4

Il-KESE jenfasizza u jirrakkomanda lill-Istituzzjonijet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-ħtieġa li tiġi protetta u miżmuma d-diversità tal-forom ta' intrapriżi sabiex is-suq uniku u l-mudell soċjali Ewropew jiżviluppaw u jitħaddmu b'mod sħiħ. Il-forom kollha ta’ intrapriżi jirriflettu aspett tal-istorja Ewropea u kull waħda minnhom tirrappreżenta l-memorja u d-diversi kulturi intraprenditorjali tagħna (5). Anke sabiex l-intraprenditorija Ewropea tiżviluppa u tiġi promossa b'mod sħiħ, jeħtieġ li d-diversità u l-pluraliżmu tal-forom ta' intrapriżi jiġu ċċarati u rikonoxxuti permezz ta' pjan ta' azzjoni Ewropew.

4.3   Il-promozzjoni ta’ ambjent ekonomiku favorevoli

4.3.1

Il-bżonn li s-setturi differenti jifhmu li l-ħolqien ta’ negozju huwa r-riżultat tal-isforzi tal-komunità kollha li tirrikonoxxi u tapprezza l-valur miżjud mill-kap ta’ intrapriża u mill-intraprenditur u li hija miftuħa għall-dan il-valur miżjud huwa ċar. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali huwa aktar u aktar essenzjali li r-rwol tagħhom jidher f’dawl pożittiv.

4.3.2

Barra minn promozzjoni adatta ta’ kultura kummerċjali, jeħtieġ li jinħolqu wkoll kundizzjonijiet verament sostenibbli fil-livell legali għal dawk li jixtiequ jinvestu u jieħdu r-riskju li jiżviluppaw idea, kunċett jew negozju.

4.3.3

Il-KESE jfakkar li huwa ċertament essenzjali li jiġi promoss il-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda jew li jiġi faċilitat it-trasferiment ta’ intrapriżi li huma fil-periklu li jagħlqu jew li jfallu. Barra minn hekk, huwa essenzjali wkoll li jiġu appoġġati l-intrapriżi li diġà jeżistu. Bejn il-ħolqien u l-għeluq ta’ intrapriża hemm il-ħajja sħiħa tagħha, li titlob politiki speċifiċi li joffru regolamentazzjoni aħjar sabiex jinħolqu l-impjiegi u attivitajiet ekonomiċi sostenibbli, kif ukoll l-innovazzjoni u l-kompetittività fi ħdan suq intern u fl-ekonomija globalizzata.

4.3.4

L-Istati Membri għandhom fl-aħħar iwettqu l-armonizzazzjoni pożittiva tal-kundizzjonijiet sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ideali għall-iżvilupp tan-negozji u l-attivitajiet kummerċjali u soċjali, filwaqt li jqisu l-varjetà sħiħa tal-istrutturi kummerċjali. Għal darba oħra, eżempji ta’ suċċess bħat-tipi differenti ta’ appertenenza kollettiva tal-ishma f’intrapriżi jew it-twaqqif ta’ kooperattivi jista’ jservi ta’ xprun għat-tibdil li għandhom iħeġġu l-Istati Membri (6).

4.3.5

Il-KESE huwa favur informazzjoni iktar ċara u armonizzata fl-Istati Membri kollha dwar il-kundizzjonijiet tat-twaqqif ta’ intrapriża billi kundizzjonijiet ekwi jħeġġu l-intraprenditorija. Bl-istess mod huwa importanti li jiġi assigurat aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ li jagħtu każ tat-tipi differenti ta’ intrapriża.

4.3.6

Il-KESE jaqbel li l-finanzjament huwa kwistjoni Ewropea li l-Istati Membri kollha għandhom jindirizzaw b’kawtela. Il-likwidità finanzjarja hija limitata f’dan il-kuntest u huma l-intraprendituri ż-żgħar li jixitequ jibdew proġett l-iktar li jbatu f’sitwazzjoni bħal din. Għaldaqstant huwa essenzjali li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ finanzjament li jappoġġjaw dan it-tip ta’ inizjattivi, fosthom is-sistemi ta’ garanzija reċiproka jew il-linji ta’ krediti sussidjati, għodod essenzjali għall-intraprendituri ż-żgħar li ma jiksbux finanzi fis-swieq “tradizzjonali” (7).

4.3.7

Għaldaqstant, il-KESE japprova l-idea ta’ tisħiħ tal-istrumenti ta’ appoġġ għall-proġetti innovattivi u b’riskju għoli, riskju li huwa direttament proporzjonat mal-grad ta’ innovazzjoni integrata. F’dan ir-rigward, huwa jaqbel ukoll mad-deċiżjoni li jiżdied l-appoġġ finanzjarju għall-ittestjar, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda billi għandu effett multiplikatur fis-soċjetà.

4.3.8

F’dawn iż-żminijiet partikolarment diffiċli għall-intrapriżi, il-KESE jaqbel mal-miżuri mmirati li jiġu faċilitati t-trasferimenti kummerċjali billi dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu opportunità għall-appoġġ tal-irkupru ta’ ċerti setturi ekonomiċi li jistgħu jagħtu spinta lis-suq tax-xogħol.

4.3.9

F’dan ir-rispett, il-kwalità tal-leġislazzjoni li tapplika fil-kuntest tas-suq intern hija partikolarment importanti. L-Istati Membri għandhom ħafna xogħol quddiemhom iżda ma nistgħux induru lura.

4.4   Ir-rifjut tal-istigmatizzazzjoni tal-falliment: il-falliment mhuwiex tmiem it-triq, iżda jista’ u għandu jidher bħala fażi ta’ tkabbir, bil-kundizzjoni li jinġibdu l-konklużjonijiet li hemm bżonn.

4.4.1

Intqal ħafna dwar l-attitudnijiet “Amerikani” u “Anglosassoni” lejn il-falliment u lejn ċans ieħor. Il-KESE jaqbel li s-soċjetà sħiħa għandha tagħmel sforz sabiex tara l-intraprendituri f’dawl differenti f’dak li jirrigwarda r-reżiljenza tagħhom kontra l-ewwel falliment. Għaldaqstant, jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi li jgħinu n-nies li jixtiequ jiżviluppaw xi ħaġa innovattiva sabiex jipperseveraw fl-għażliet tagħhom. Jekk l-ewwel sforz ma jwassal għal imkien, għandu jitqies, b’mod partikolari mis-sistema finanzarja bħala opportunità sabiex jittejbu u jissaħħu l-ħiliet għal proġetti intraprenditorjali futuri mhux bħala tmiem sħiħ. Il-KESE jemmen ukoll li jista’ jkun kontraproduttiv li tiġi enfasizzata żżejjed il-promozzjoni ta’ kultura waħda u li għandhom jiddominaw is-sens tajjeb u l-bilanċ.

4.5   Tisħiħ tal-appoġġ għall-SMEs u rappreżentanti oħra

4.5.1

Il-KESE jagħraf li r-regoli li japplikaw għall-intrapriżi jridu jiġu semplifikati u ċċarati għal dawk li għandhom il-ħsieb li jkollhom rwol attiv fil-ħolqien u l-iżvilupp tagħhom. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f’li jnaqqsu l-burokrazija involuta sabiex jinbdew u jiġu modernizzati l-intrapriżi. It-twaqqif ta’ intrapriżi, kemm fis-settur industrijali kif ukoll teknoloġiku għandu jsir b’mod ċar u malajr iżda għandu jirċievi wkoll l-appoġġ adegwat sabiex jiġu evitati l-eżaġerazzjonijiet jew in-nuqqas ta’ ftehim kemm għall-intraprendituri kull ukoll għall-awtoritajiet regolatorji.

4.5.2

Il-KESE jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma biex janalizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-professjonijiet ħielsa, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħas-semplifikazzjoni amministrattiva, l-internazzjonalizzazzjoni u l-aċċess għall-finanzi. Il-KESE jfakkar ukoll li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-funzjoni speċifika tal-professjonisti ħielsa f’diversi Stati Membri għandha titqies biex tiġi inkoraġġita “Karta Ewropea għall-professjonisti ħielsa”, simili għall-“Karta tal-UE tal-intrapriżi ż-żgħar”.

4.5.3

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn ta’ servizzi ta’ pariri u appoġġ għall-intrapriżi madanakollu jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinħolqu gruppi multidixxiplinarji li jifhmu sew is-suq u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Huwa jiġbed l-attenzjoni għalhekk lejn il-possibbilità li tintuża l-esperjenza ta’ intraprendituri irtirati jew ta’ esperjenza li huma disponibbli biex jagħtu l-għarfien espert tagħhom lil intraprendituri ġodda. Dan jippermetti djalogu li jagħti l-frott bejn il-ġenerazzjonijiet. Għalhekk il-KESE jqis li huwa importanti li attivitajiet bħal dawn ma jkunux sempliċiment volontarji iżda jkunu appoġġjati minn inċentivi li jagħmluha possibbli għall-konsulenti u l-intraprendituri li jaqsmu l-benefiċċji tal-ħolqien tal-valur. Dan huwa mezz tajjeb ukoll ta’ kif jiġu integrati nies li għadhom jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà iżda li mhumiex attivi b’mod sħiħ fis-suq tax-xogħol.

4.5.4

In-netwerks ta’ kollaborazzjoni bejn l-SMEs iridu jiġu inkoraġġuti għaliex huma jsaħħu b’mod konsiderevoli l-vijabilità tal-SMEs minħabba l-ekonomiji ta’ skala (qsim tal-ispejjeż fil-qafas tal-marketing, ix-xiri jew servizzi komuni oħra, il-kooperazzjoni bejn entitajiet li jipproduċu prodotti jew servizzi komplementarji, il-possibilità tal-innovazzjoni u li wieħed jespandi fis-suq internazzjonali).

4.5.5

Barra mill-isforzi ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u ta’ akkumpanjament tal-intraprendituri l-ġodda, il-KESE jinsisti fuq ir-rwol essenzjali tal-pariri (coaching u mentoring) li jsir mill-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi. Mingħajr dawn l-azzjonijiet, l-SMEs b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, ma jistgħax ikollhom aċċess għall-finanzi waħedhom, u l-anqas għall-fondi tal-UE, jew jinnovaw, jiżviluppaw il-kompetittività tagħhom u japplikaw il-miżuri ta’ prijorità tal-Istrateġija UE 2020 anke jekk huma direttament ikkonċernati. Il-KESE huwa diżappuntat li t-tisħiħ tal-azzjoni ta’ coaching u mentoring tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi ma tinsabx fil-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jitlob li jiġi stabbilit ir-raba’ ass ta’ miżuri mmirat biex isaħħaħ dawn l-azzjonijiet bis-saħħa tal-appoġġ tal-organizzazzjonijiet intermedji. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiffokaw b’mod partikolari fuq l-aktar intrapriżi żgħar.

4.6   Appoġġ għal gruppi speċifiċi

4.6.1

Il-KESE japoġġja l-isforzi mmirati b’mod partikolari lejn it-tħeġġiġ ta’ ċerti setturi tas-soċjetà li qed jaqdu rwol dejjem iktar importanti fl-isforzi konġunti sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan it-tip.

4.6.2

Il-KESE jappoġġja l-politiki li jimmobilizzaw lill-gruppi msemmija fil-pjan (nies qgħida, nisa, anzjani, żgħażagħ, persuni b’diżabbiltà u immigranti) dwar temi li jirrigwardaw l-intraprenditorjat, il-ħolqien ta’ intrapriżi u l-valur tagħhom għas-soċjetà. Il-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin li jeżistu minn dawn il-gruppi jistgħu jikkontribwixxu għal approċċ aktar komplut u l-implimentazzjoni ta’ politiki adatti. Il-KESE jesprimi s-sudisfazzjoni tiegħu li dawn il-gruppi ġew identifikati li jistgħu jimmobilizzaw is-soċjetà dwar dawn it-temi u jaqbel mal-miżuri ta’ promozzjoni tal-valuri ta’ intraprenditorija u ta’ innovazzjoni fosthom, biex il-parteċipazzjoni tagħhom tiġi mħeġġa bil-għan li niffaċċjaw din l-isfida Ewropea.

4.6.3

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Istituzzjonijiet, b’mod partikolari għat-tendenza li qed tikber li l-anzjani li jkunu rtiraw, joħolqu jew joħolqu mill-ġdid attività oħra indipendenti. Dan l-iżvilupp huwa minħabba li n-nies qed jgħixu aktar fit-tul, il-progress fil-kura tas-saħħa kif ukoll il-ħtieġa li jiżdied id-dħul minħabba l-effetti tal-kriżi fuq il-pensjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill li jirrevedu u jimplimentaw sistemi mmirati li jappoġġjaw lill-anzjani li jixtiequ jaqbdu din it-triq u jissimplifikaw il-qafas tal-attività tagħhom fuq il-bażi tal-esperjenzi ta’ diversi Stati Membri.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 45.

(2)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28. “Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI) għandhom iżommu r-rwol tradizzjonali tagħhom li jixprunaw l-innovazzjoni u t-tkabbir.”

(3)  http://www.f1inschools.com/

(4)  http://eacea.ec.europa.eu/education/Eurydice/documents/thematic_reports/135EN.pdf

(5)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(6)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24.

(7)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 125 u ĠU C 351, 15.11.2012, p. 45.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE”

COM(2013) 78 final — 2013/0049 (COD)

2013/C 271/15

Relatur ġenerali: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-25 ta’ Frar 2013 u nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE

COM(2013) 78 final – 2013/0049 (COD).

Nhar it-12 ta’ Frar 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tas-22 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur HERNÁNDEZ BATALLER bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit qafas legali, b’livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, li jistabbilixxi l-obbligu li l-prodotti għall-konsumatur iridu jkunu sikuri.

1.2

Il-Kumitat iqis li r-Regolament huwa l-istrument legali adegwat sabiex jiġu kkonsolidati t-testi legali eżistenti, waqt li jiġu adattati għall-qafas leġislattiv il-ġdid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Bir-Regolament ser jiġi stabbilit l-istess livell ta’ sigurtà fil-pajjiżi kollha tal-UE, u b’hekk jiġu stabbiliti kriterji komuni.

1.3

Peress li r-Regolament huwa l-uniku strument li jippermetti li l-miżuri jiġu adottati bl-istess mod, bl-istess appoġġ għall-istess livell ta’ riskju fil-pajjiżi kollha tal-UE, huwa xieraq li din il-proposta tiġi espressa f’termini li jistgħu jiġu interpretati bl-istess skop fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

1.4

Il-KESE jqis li, minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-prodotti, il-Kummissjoni għandha żżid l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-CEN u korpi oħrajn simili.

1.5

Fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern, il-Kumitat iqis li, minn naħa, il-proposta tirrappreżenta mezz ta’ protezzjoni importanti ħafna għall-konsumaturi sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ periklu u mewt u terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja; min-naħa l-oħra, iqis li hemm bżonn ta’ trasparenza u kundizzjonijiet indaqs fit-transazzjonijiet kummerċjali, bil-għan li dawk li jippruvaw jipproduċu u jbiegħu prodotti perikolużi ma jkollhomx vantaġġ inġust fuq il-kompetituri li jaċċettaw l-ispejjeż involuti sabiex jagħmlu l-prodotti tagħhom siguri.

2.   Daħla

2.1

Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-konsumaturi timplika li l-oġġetti u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom iridu jkunu tali li, meta użati f’kundizzjonijiet normali jew prevedibbli, ma jkunux ta’ periklu għas-sigurtà tal-konsumaturi, u f’każ li jippreżentaw periklu, jistgħu jiġu rtirati mis-suq permezz ta’ proċeduri rapidi u sempliċi. Il-protezzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji prijoritarji fil-politika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur sa mill-programm preliminari tagħha fl-1975 (1). B’riżultat tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1986 (2) dwar il-protezzjoni u t-tħeġġiġ tal-interessi tal-konsumaturi ġie xprunat ’l hekk imsejjaħ “approċċ ġdid” fil-qasam tal-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni (3).

2.2

L-ewwel Direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, adottata fl-aħħar tal-1992 (4), ġiet issostitwita bid-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 (5), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Jannar 2002 bi skadenza għal traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri stabbilita għall-15 ta’ Jannar 2004. Dak iż-żmien, il-KESE kien ikkummenta dwar dan (6) u approva l-approċċ propost mill-Kummissjoni iżda esprima riservi dwar ċerti aspetti.

2.3

Bil-ħolqien tas-sistema ta’ twissija bikrija għall-prodotti li mhumiex tal-ikel (RAPEX) ġiet stabbilita sistema għaċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenti ekonomiċi f’rabta mal-prodotti li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, sabiex jiġu indirizzati ’l hekk imsejħa “sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”. Fl-2004 (7), il-Kummissjoni approvat xi linji gwida speċifiċi sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tar-RAPEX.

2.4

Minkejja li s-27 Stat Membru ttrasponew id-Direttiva fil-leġislazzjoni rispettiva tagħhom, il-metodi ta’ implimentazzjoni ma kinux l-istess fl-Istati Membri kollha, u b’hekk teżisti diskrepanza f’xi atti ta’ traspożizzjoni, fosthom:

l-aspetti relatati mal-valutazzjoni tas-sigurtà kif jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva;

fir-rigward tat-traċċabbiltà, xi Stati Membri għamluha obbligatorja li fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar tiegħu jkun hemm indikati l-identità u d-dettalji tal-prodott, inkluż l-importatur, filwaqt li għal xi Stati Membri oħra, dan huwa fakultattiv;

barra minn hekk, f’xi Stati Membri, in-notifika mill-produtturi hija meħtieġa biss f’każ ta’ riskju magħruf u mhix obbligatorja f’każ li l-produttur “ikun irid jaf” bir-riskju abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Din il-proposta għal Regolament hija parti mill-“Pakkett dwar is-Sigurtà tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq” li tinkludi wkoll il-proposta għal Regolament dwar is-sorveljanza tas-suq uniku u pjan ta’ azzjoni pluriennali għas-sorveljanza tas-suq li jkopri l-perjodu mill-2013 sal-2015.

3.2

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tikkompleta l-qafas legali tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, adottat fl-aħħar snin b’rabta mal-prodotti manifatturati mhux għall-ikel, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti bħall-antikitajiet. Hija tesiġi li l-prodotti għall-konsumatur ikunu “siguri”, tistabbilixxi ċerti obbligazzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi u fl-istess ħin tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ standards favur ir-rekwiżit ġenerali tas-sigurtà. Bħala bażi legali, il-Kummissjoni tuża l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jservi wkoll għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern abbażi tal-eżerċizzju tal-poteri kondiviżi tal-Unjoni u l-Istati Membri.

3.3

Il-Kummissjoni tibdel l-istrument leġislattiv u tippreżenta proposta għal Regolament minflok Direttiva, bil-għan li tistabbilixxi l-istess livell ta’ sigurtà fil-pajjiżi kollha tal-UE u jiġu armonizzati r-regolamenti f’dan il-qasam, waqt li tistabbilixxi kriterji komuni dwar il-kwistjoni mingħajr ħsara għal-leġislazzjoni settorjali. Il-proposta għal Regolament timponi regoli ċari u dettaljati li jsiru applikabbli b’mod uniformi u fl-istess waqt fl-Unjoni kollha.

3.4

Il-Kummissjoni għandha l-għan li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, waqt li tirrazzjonalizza u tissemplifika l-funzjonament tas-sistema tas-sigurtà u l-interazzjoni tagħha ma’ leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

3.5

Il-proposta għandha l-għan li tħassar id-Direttiva 87/357/KE u d-Direttiva 2011/95/KE, li l-kontenut tagħhom jinsab maqsum bejn iż-żewġ proposti għal Regolament li qegħdin jitħejjew. B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet relatati mas-sorveljanza tas-suq u s-sistema RAPEX, li attwalment jinsabu fid-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti ġew trasferiti għall-proposta għal Regolament ġdid uniku dwar is-sorveljanza tas-suq, li ser jgħaqqad id-dispożizzjonijiet kollha dwar din il-kwistjoni fi strument uniku, u b’hekk is-sistema RAPEX tkun l-unika sistema ta’ twissija għall-prodotti li jippreżentaw riskju.

3.6

Barra minn hekk, din il-proposta tistabbilixxi l-obbligi elementari tal-operaturi ekonomiċi milqutin (il-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri) li huma involuti fil-katina tal-provvista tal-prodotti għall-konsumatur diment li dawn ma jkunux soġġetti għar-rekwiżiti korrespondenti fil-leġislazzjoni settorjali ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk l-ambitu tagħha huwa limitat għal sitwazzjonijiet li mhumiex regolati jew regolati parzjalment biss mil-leġislazzjoni settorjali.

3.7

Il-punt ta’ tluq huwa l-prinċipju ġenerali li l-prodotti għall-konsumatur mhux għall-ikel iridu jkunu siguri meta jkunu disponibbli jew jitpoġġew fis-suq tal-Unjoni. L-obbligi aktar dettaljati tal-operaturi ekonomiċi japplikaw biss għal dawk l-operaturi li mhumiex soġġetti għall-obbligi korrespondenti stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni applikabbli għas-settur ta’ prodott konkret.

3.8

Il-proposta ġiet issemplifikata permezz tal-introduzzjoni ta’ rabta ċara mal-leġislazzjoni settorjali u tas-semplifikazzjoni tal-istandards. Il-prodotti għall-konsumatur li jkunu konformi mal-leġislazzjoni ta’ armonizzazzjoni settorjali tal-Unjoni bil-għan li tiżgura s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni ser jitqiesu siguri wkoll permezz ta’ dan ir-Regolament propost.

3.9

Barra minn hekk, it-taqsima tad-definizzjonijiet ġiet aġġornata u allinjata mal-Qafas Leġiżlattiv il-ġdid għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti. Apparti hekk, il-proċess li jidentifika l-istandards Ewropej eżistenti jew li jitlob it-tfassil ta’ standards Ewropej ġodda li joħolqu l-preżunzjoni li prodott huwa sigur ġie ssemplifikat ħafna u ġie allinjat mal-qafas ġenerali ġdid għall-istandardizzazzjoni.

3.10

L-obbligi tal-operaturi ekonomiċi jindirizzaw, fost affarijiet oħra, kwistjonijiet relatati mat-tikkettar, l-identifikazzjoni tal-prodotti, l-azzjonijiet korrettivi li għandhom jiġu adottati f’każ ta’ prodotti mhux siguri u l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

3.10.1

Il-proposta teħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jidentifikaw l-operaturi li fornewhom bil-prodott u l-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa sabiex tadotta miżuri li jkunu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu jew jaderixxu ma’ sistema ta’ traċċabbiltà elettronika.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jappoġġja l-eżistenza ta’ leġislazzjoni b’livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi – speċjalment tal-prodotti – u jqis li l-proposta tal-Kummissjoni tista’ tgħin issaħħaħ dan; madankollu jixtieq li jitqiesu l-kummenti li saru f’din l-Opinjoni sabiex tiġi ċċarata l-proposta.

4.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-informazzjoni kompluta mogħtija fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta ma ġietx inkluża fit-test tar-Regolament. Għalhekk, il-premessi jinkludu kwistjonijiet bħal li l-proposta l-ġdida tapplika għat-tekniċi kollha ta’ bejgħ, inkluż il-bejgħ fuq distanza, li qabel kienu neqsin mit-test tar-Regolament. Fid-dawl tal-istrument legali propost, li jeħtieġ li l-kriterji jkunu standardizzati minn qabel sabiex ikunu jistgħu jiġu interpretati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-UE, għalhekk ser ikun rakkomandat li għall-inqas tiġi inkluża referenza mqassra għal dawn il-punti fit-test tar-Regolament.

4.2.1   Fil-fehma tal-KESE, il-proposta permezz ta’ Regolament hija rilevanti u adegwata, peress li huwa l-uniku strument li jippermetti li l-miżuri jiġu adottati bl-istess mod, bl-istess appoġġ għall-istess livell ta’ riskju fil-pajjiżi kollha tal-UE. Huwa l-istrument adatt sabiex jitħassru d-Direttiva 87/357/KEE u d-Direttiva 2001/95/KE, dejjem jekk jinżamm il-livell ta’ protezzjoni stabbilit f’dawn iż-żewġ Direttivi fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà meħtieġ.

4.2.2   Dan jirriżulta fiċ-ċertezza legali għas-suq u għall-konsumaturi, li flimkien mas-semplifikazzjoni tal-miżuri, tirrappreżenta tnaqqis fl-ispejjeż ekonomiċi għall-adozzjoni tar-Regolament, bit-termini tiegħu li jridu jiġu interpretati bl-istess mod fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni.

4.2.3   Għandu jiġi enfasizzat li l-proposta għal Regolament tiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni tiegħu meta mqabbel mal-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni. Għalhekk ikun xieraq li fl-Artikolu 1 tiġi enfasizzata n-natura “ġenerali” u trasverali tagħha relatata mal-bqija tal-leġislazzjoni settorjali fir-rigward tas-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur.

4.3   Bħad-Direttiva, il-proposta għal Regolament tesiġi li l-prodotti għall-konsumatur ikunu “siguri”. Tistabbilixxi ċerti obbligazzjonijiet fuq l-operaturi ekonomiċi u tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tfassil ta’ standards li jappoġġjaw ir-rekwiżit ġenerali tas-sigurtà. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jirreferux għall-“prinċipju ta’ prekawzjoni”, li għandu jirregola s-sigurtà tal-prodotti u li għandu jiġi inkluż espliċitament fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

4.4   Definizzjonijiet fil-proposta

4.4.1

Fir-rigward tad-definizzjonijiet użati fil-proposta, il-KESE jqis li xi wħud minnhom għandhom jiġu riveduti peress li, kemm jekk għal kwistjonijiet terminoloġiċi, ta’ traduzzjoni jew tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri, jistgħu joħolqu problemi fil-futur meta jiġi applikat ir-Regolament.

4.4.2

Il-kunċett ta’ prodotti “siguri” huwa adegwat u jinkludi l-aspetti diversi li jippermettu li tiġi evalwata s-sigurtà li joffru l-prodotti f’termini ta’ ċirkostanzi li l-konsumatur għandu jkun konxju tagħhom, bħall-ħajja, in-natura u l-kompożizzjoni tal-prodott. Madankollu, it-terminu ta’ prodott għandu jiġi kkompletat bit-terminu “manifatturat”.

4.4.3

Bl-istess mod, it-termini “normali” u “raġonevolment prevedibbli” jistgħu jwasslu għal xi konfużjoni, bl-istess mod li l-kriterju ta’ “raġonevolità” jista’ jissuġġerixxi li kwalunkwe prodott jista’ jiġi inkluż, anke jekk ma jkunx sigur, bil-kundizzjoni li jintuża b’mod adegwat.

4.4.4

Min-naħa tiegħu, it-terminu “normali” forsi jista’ jiġi sostitwit b’“tas-soltu”, jew possibbilment, dan it-terminu, minħabba l-ambigwità tiegħu, jiġi trasferit għall-konsumatur li għalih huwa intiż il-prodott. Għal dan il-għan huwa rrakkomandat li dan it-terminu jinbidel b’dak ta’ “prodott insigur”, peress li dan jista’ jgħaqqad il-kunċett ma’ dak li jeżisti fid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-prodotti difettużi (8), fejn hija rrakkomandata l-istandardizzazzjoni tal-qafas legali fl-Istati Membri, għalkemm f’dan il-qasam il-kunċett ta’ prodott huwa usa’.

4.4.5

Fir-rigward tat-terminu “rappreżentant awtorizzat”, għandu jiġi indikat li r-referenza għal “mandat” tista’ twassal għal kunflitti fil-futur f’dawk il-pajjiżi li jesiġu li jiġi ffirmat ftehim ta’ mandat minn qabel, u għalhekk ikun adegwat li jinbidel bit-terminu “mandat bil-miktub” li jħalli lill-pajjiżi ħielsa li jagħżlu l-formula kuntrattwali li hija l-aktar adegwata għal-liġi interna tagħhom, u fl-istess ħin jiġu evitati problemi futuri possibbli ta’ natura kuntrattwali.

4.4.6

Fir-rigward tad-definizzjoni “riskju serju”, ta’ min jirrakkomanda aktar li din tiġi estiża għal kull “espożizzjoni, emerġenza jew periklu” li jkun aktar faċli għall-konsumaturi sabiex jinterpretawha, jiġifieri li r-“riskju serju” jintrabat mal-bżonn li tittieħed azzjoni immedjata u jiġu adottati miżuri hekk kif jiġi magħruf ir-riskju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-proposta għal Regolament tagħti importanza speċjali lill-bżonn li l-obbligi għall-operaturi ekonomiċi jiġu unifikati u ssemplifikati, u l-KESE jappoġġja dan bis-sħiħ minħabba l-konfużjoni eżistenti, kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali.

5.2   Fl-Artikolu 4 għandha tiżdied din il-frażi: “taħt il-kundizzjonijiet li ser jiġu stabbiliti aktar tard f’dan ir-Regolament”, peress li l-kunċett ta’ sigurtà jista’ ma jkunx jikkoinċidi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli settorjali oħra.

5.3   Fit-test għandu jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta fir-rigward tal-inklużjoni tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Madankollu, il-KESE jispera li l-Kummissjoni tippreżenta proposta kompluta dwar is-sigurtà tas-servizzi fl-UE.

5.4   Fir-rigward tar-referenza għal konsumaturi “vulnerabbli” stabbilita fl-Artikolu 6(d), għandu jiġi ċċarat jekk il-kunċett ta’ konsumatur vulnerabbli huwiex ibbażat fuq kriterju ġenerali (età, saħħa ... ) jew jekk jiddependix mal-karatteristiċi tal-prodott (nuqqas ta’ biżżejjed għarfien). Il-KESE jqis li, sabiex il-liġi tal-Unjoni tkun iktar konsistenti, għandhom jintużaw kunċetti awtonomi proprji fil-liġi kollha tal-Unjoni u mhux jiġu definiti kunċetti għall-finijiet ta’ kull proposta leġislattiva.

5.5   L-Artikolu 6(2)(h) jirreferi għall-aspettattivi raġonevoli tal-konsumatur dwar is-sigurtà. It-terminu ta’ “raġonevoli” għandu jiġi kkonkretizzat b’termini bħal “f’termini tan-natura, il-kompożizzjoni u l-użu tiegħu”, li għandu jagħti lill-Artikolu aktar ċertezza legali.

5.6   Il-KESE jqis li l-konsumaturi għandhom id-dritt għal informazzjoni ċara u preċiża dwar l-oriġini tal-prodotti li għandha tinkludi, fil-każijiet kollha, l-oriġini konkreta tagħhom, waqt li tissodisfa dak li hemm stabbilit fil-liġi tal-Unjoni.

5.7   Barra minn hekk, għandu jiġi rivedut il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li l-manifatturi u l-importaturi għandhom “jassiguraw” konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

5.8   Obbligi tal-manifatturi u operaturi oħra

5.8.1

Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi regola dwar l-abbozzar tad-dokumentazzjoni min-naħa tal-manifatturi u l-passi li għandhom jieħdu sabiex iżommu s-sigurtà tal-konsumaturi. Il-KESE jqishom bħala importanti.

5.8.2

Dawn l-obbligi speċifiċi jikkonsistu f’li jiġu ttestjati kampjuni ta’ prodotti disponibbli fis-suq, jistħarrġu l-ilmenti u jżommu reġistru tal-ilmenti, ta’ prodotti mhux konformi u ta’ prodotti rkuprati, kif ukoll l-obbligu li d-distributuri jinżammu infurmati dwar kull monitoraġġ ta’ dan it-tip.

5.8.3

Madankollu, il-proposta ma tispeċifikax il-proċeduri ta’ implimentazzjoni; kull Stat Membru huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-miżuri li jridu jieħdu (bħal pereżempju l-ħolqien ta’ reġistru speċjali) jew li dawn il-miżuri jiġu armonizzati bil-għan li tinżamm sistema ta’ twissija li tippermetti lis-suq jinżamm infurmat kmieni biżżejjed sabiex ikun jista’ jieħu miżuri effettivi qabel ma ssir il-ħsara.

5.9   Dokumentazzjoni teknika

5.9.1

L-obbligu li l-konsumaturi jiġu infurmati għandu jirreferi biss għall-kwistjonijiet relatati mal-użu u n-natura tal-prodotti u mhux estiż għad-dokumentazzjoni teknika li tista’ tkun tinkludi informazzjoni dwar sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra tal-manifatturi li għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet, b’regoli ċari għal dan il-għan li jinsabu nieqsa mill-proposta.

5.9.2

Peress li t-test jidher li jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-manifattur għad-danni li prodott jista’ jikkawża minħabba li jkun insigur, ikun aktar adegwat li jiġi stabbilit li l-kontenut ta’ dan id-dokument ser ikun validu għal għaxar snin. Sabiex l-Artikolu 8(6) ikun aktar ċar, l-espressjoni “il-manifatturi għandhom jiżguraw” għandha tinbidel b’“il-manifatturi għandhom ikunu responsabbli”, li tkun aktar konformi mal-obbligu li jaqa’ fuqhom. L-istess għandu japplika, bil-modifiki neċessarji, għall-importaturi u r-responsabbiltà tagħhom, flimkien mal-obbligu li d-dokumentazzjoni teknika tinżamm għal għaxar snin, bħalma għandhom jagħmlu l-operaturi ekonomiċi l-oħra.

5.9.3

Bil-għan li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni dwar prodott speċifiku mingħajr kwalunkwe tip ta’ ostaklu, huwa rakkomandabbli li l-possibbiltà mniżżla fl-Artikolu 8(7), li l-manifattur jindika indirizz wieħed fejn ikun jista’ jiġi kkuntattjat, ma tkunx ta’ piż fuq il-konsumatur, b’tali mod li tista’ tinftiehem li jekk din tintuża, ser twassal għal penalitajiet.

5.10   Fir-rigward tal-prodotti li jidhru li jkunu xi ħaġa oħra milli fil-fatt ikunu, il-KESE jappella għall-ogħla livell ta’ protezzjoni, partikolarment għall-prodotti li jidhru qishom ġugarelli, li għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-minorenni.

5.11   Il-KESE jappoġġja l-bżonn tat-traċċabbiltà tal-prodotti matul il-katina tal-provvista kollha, peress li dan jgħin biex ikunu identifikati l-operaturi ekonomiċi u biex jittieħdu miżuri korrettivi kontra l-prodotti perikolużi, kemm jekk ikunu miżuri ta’ rkupru kif ukoll ta’ rtirar mis-suq.

5.12   Fir-rigward tal-istandards Ewropej li jipprovdu l-preżunzjoni ta’ konformità, il-KESE jqis li l-proposta ttejjeb il-funzjonament attwali tas-sistema. Madankollu għandhom jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tranżitorji u l-preżunzjoni ta’ konformità għal aktar ċertezza legali.

5.12.1   Minħabba l-importanza tal-istandardizzazzjoni, il-KESE jqis li l-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni għandhom jingħataw ir-riżorsi neċessarji sabiex iżidu l-produttività tagħhom u jiggarantixxu kwalità għolja. Barra minn dan hemm bżonn li r-rappreżentazzjoni tal-konsumaturi tkun aktar effettiva.

5.13   Bi prinċipju, ir-regoli dwar l-atti ddelegati jidhru raġonevoli, minkejja li ma jagħmilx sens li d-delega tingħata għal żmien indefinit. Barra minn hekk, l-atti ddelegati m’għandhomx jiġu adottati dwar kwistjonijiet essenzjali u għandhom jinżammu fil-limiti tal-att oriġinali. Għandhom partikolarment jintużaw qabel ma l-prodotti perikolużi jitpoġġew fis-suq. Għalhekk, jidher raġonevoli li jiġu adottati atti ddelegati fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(3)(a) tal-proposta, filwaqt li l-każijiet li jidhru fis-sottoparagrafu (b) jidhru aktar dubjużi.

5.14   Fir-rigward tal-penalitajiet, għandu jiġi enfasizzat li l-KESE huwa favur li jiġu armonizzati t-tipi ta’ ksur u l-penalitajiet korrespondenti (9), peress li huwa biss is-sempliċi appell ġeneriku sabiex il-penalitajiet ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati li jista’ jagħti lok għal distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq.

5.14.1   Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li l-Istati Membri għandu jkollhom mezzi ta’ rimedju u ta’ rikors adegwati u effettivi quddiem il-qrati kompetenti bil-għan li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fl-interess ġenerali tal-konsumaturi.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 1975 dwar programm preliminari tal-KEE għal politika dwar il-protezzjoni u l-informazzjoni għall-konsumatur. ĠU C 92, 25.4.1975, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  ĠU C 167, 5.7.1986, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  Abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7.5.1985, ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU L 228, 11.8.1992, p. 24.

(5)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 06 P. 447-462 )

(6)  ĠU C 367, 20.12.2000, p. 34. (mhux disponibbli bil-Malti)

(7)  Deċiżjoni 2004/418/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 151, 30.4.2004. p. 84) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 08 P. 386-413).

(8)  ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 01 P. 257-261).

(9)  Pereżempju, bħalma hemm fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009, ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tal-prodotti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE, u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 1999/5/KE, 2000/9/KE, 2000/14/KE, 2001/95/KE, 2004/108/KE, 2006/42/KE, 2006/95/KE, 2007/23/KE, 2008/57/KE, 2009/48/KE, 2009/105/KE, 2009/142/KE, 2011/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

COM(2013) 75 final — 2013/0048 (COD)

2013/C 271/16

Relatur ġenerali: is-Sur LEMERCIER

Nhar it-8 ta’ Marzu u nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tal-prodotti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE, u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 1999/5/KE, 2000/9/KE, 2000/14/KE, 2001/95/KE, 2004/108/KE, 2006/42/KE, 2006/95/KE, 2007/23/KE, 2008/57/KE, 2009/48/KE, 2009/105/KE, 2009/142/KE, 2011/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM(2013) 75 final – 2013/0048 (COD).

Nhar it-12 ta’ Frar 2013, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur LEMERCIER bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’116-il vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost. Id-dispożizzjonijiet attwali li japplikaw għas-sorveljanza tas-suq u l-kontroll tal-prodotti huma mifruxin wisq f’diversi testi b’kontenut differenti. Dan jikkomplika bla bżonn il-kompitu tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza u tal-produtturi, kif ukoll dak tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema. Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li d-dispożizzjonijiet vertikali preċedenti ser jitħassru biex jinġabru mill-ġdid f’regolament trasversali, uniku u msaħħaħ.

1.2

Il-Kumitat jaqbel mal-bażi legali iżda jqis li hemm bżonn referenza wkoll għall-Artikolu 12 tat-TFUE li jispeċifika li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija politika trasversali li għandha tiġi kkunsidrata “fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni”.

1.3

L-istrument propost huwa regolament. Il-Kumitat iqis li din il-forma hija l-aktar adatta biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-iskambji bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-UE. Huwa jqis li l-pakkett propost mill-Kummissjoni jissodisfa r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità u tas-sussidjarjetà stabbiliti mit-Trattati. L-Istati Membri għadhom kompletament responsabbli għas-sorveljanza tas-swieq nazzjonali tagħhom u l-kontrolli fil-frunteri esterni tal-Unjoni, u għandhom jiżguraw il-finanzjament għal dan.

1.4

Il-KESE jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-prodotti li jiċċirkolaw fl-Unjoni għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sigurtà inġenerali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sigurtà pubblika.

1.5

Il-Kumitat iqis li r-rispett tas-sigrieti tal-manifattura jew ir-rispett tas-sigrieti kummerċjali ma jistgħux ikunu ostaklu għat-tnedija tat-twissijiet meta s-saħħa jew is-sigurtà tal-utenti jistgħu jkunu affettwati minn wieħed mill-elementi tal-prodott inkwistjoni. Il-prattika kontinwa tas-sistema RAPEX, li tiżgura li jirbaħ l-interess pubbliku mhux l-interessi privati, għalhekk għandha tkompli tiġi rispettata mill-korpi tas-sorveljanza u l-kontroll.

1.6

Il-membri jew l-impjegati tal-korpi tas-sorveljanza u d-dwani għandhom juru l-garanziji kollha tal-onestà u l-indipendenza u jkunu mħarsa mill-pressjonijiet jew mit-tentattivi tal-korruzzjoni potenzjali fil-qadi ta' dmirhom. Il-persuni li jikxfu n-nuqqasijiet jew ir-riskji relatati ma' prodott għandu jkollhom protezzjoni, l-iktar kontra s-segwiti; l-identità tagħhom għandha tibqa' kunfidenzjali.

1.7

Il-Kumitat jitlob biex fil-proposta għal Regolament tiġi inkluża bażi tad-data tal-korrimenti pan-Ewropea (Injuries Database, IDB) li għandha tiġi kkunsidrata bħala t-tielet pilastru tas-sistema ta' skambju ta' informazzjoni tas-sorveljenza tas-suq tal-UE, komplemetari għar-RAPEX u l-ICSMS.

1.8

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jixtieq ħafna jkun wieħed mid-destinatarji tar-rapporti perjodiċi li l-Kummissjoni ser tistabbilixxi tul il-ħames snin biex jiġi żgurat is-segwitu tal-eżekuzzjoni tar-Regolament.

2.   Introduzzjoni: il-proposti tal-Kummissjoni

2.1

L-aqwa leġislazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti u l-armonizzazzjoni tar-regoli fis-suq intern mhijiex biżżejjed biex jingħataw garanziji assoluti ta’ sigurtà lill-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti ta’ konsum u lill-ħaddiema fir-rigward tal-prodotti intiżi għal użu professjonali.

2.2

Kif juru l-iskandli riċenti, il-frodi biex jiżdiedu l-profitti jew biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni għadha realtà fl-Ewropa; barra minn hekk, il-prodotti importati mhux dejjem jilħqu l-istandards Ewropej u jistgħu jservu bħala kompetizzjoni inġusta għall-prodotti ta' oriġini Ewropea.

2.3

Is-sorveljanza tas-swieq kif ukoll il-kontroll tal-konformità tal-prodotti huma essenzjali u jirrikjedu servizzi u persunal kwalifikat (dwana, servizzi tekniċi, spezzjonijiet, eċċ.) li jkunu qed joperaw fuq it-territorju ta’ kull Stat Membru.

2.4

Id-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, li kellha tiġi trasposta għalkollox fl-2004, u r-Regolament (KE) Nru 765/2008 dwar l-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq, li daħal fis-seħħ fl-2010, kif ukoll id-direttivi u d-deċiżjonijiet dwar l-armonizzazzjoni settorjali wasslu għall-progress ċar. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza tas-suq huma mxerdin u jikkoinċidu, li jista’ joħloq konfużjoni bejn ir-regoli ta’ sorveljanza proprji u l-obbligi tal-operaturi, u b’hekk dan jikkomplika l-kompitu tagħhom u tal-leġislaturi u tal-uffiċjali tas-servizz ċivili.

2.5

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi ċċarat il-qafas regolatorju dwar is-sorveljanza tas-suq billi d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha jinġabru fi strument legali wieħed li huwa applikabbli orizzontalment għas-setturi kollha. Ir-Regolament il-ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti ser ikun akkumpanjat minn pjan ta’ azzjoni pluriennali għas-sorveljanza tas-suq li jkopri l-perjodu 2013-2015.

2.6

Din hija miżura ewlenija tal-Aġenda Ewropea tal-Konsumatur u tal-Att dwar is-Suq Uniku I u II u tindirizza wkoll ir-rekwiżiti tal-qafas leġislattiv il-ġdid.

2.7

Permezz tal-istess modalitajiet f’kull pajjiż jeħtieġ li jiġi determinat jekk il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq, inklużi dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, humiex siguri u jekk jistgħux jitqiegħdu fis-suq uniku jew għandhomx jiġu rtirati jew projbiti jekk ikunu perikolużi jew mhux konformi.

2.8

Madankollu, is-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli ta’ konformità mhumiex effikaċi biżżejjed u għadd kbir ta’ prodotti mhux konformi jinfirxu fis-suq prinċipalment minħabba nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni skambjata.

2.9

Għalhekk l-UE għandha tieħu passi biex tiggarantixxi koordinazzjoni aħjar tal-azzjonijiet u tagħmel is-sorveljanza transkonfinali tas-suq effikaċi sabiex tipproteġi liċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tistqarr li dan id-dritt ta’ azzjoni huwa l-frott tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 114 (il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku) u tal-Artikoli 168(1) (il-ħarsien tas-saħħa) u 169(1) (il-protezzjoni tal-konsumatur) tat-TFUE. Jeħtieġ ukoll li jiġi semplifikat il-qafas legali applikabbli u jitneħħew l-ambigwitajiet li jeżistu.

2.10

Hemm bżonn li tiġi ssemplifikata l-proċedura RAPEX, li jiġi stabbilit regolament dwar is-sigurtà tal-prodotti li jissostitwixxi d-Direttiva dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, u li jiġi stabbilit regolament ġdid dwar is-sorveljanza li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li bħalissa huma mifruxa f’diversi testi f’livelli differenti.

2.11

It-titjib tal-koordinazzjoni u tal-effikaċja tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll mhux biss ser jitwettaq mill-proċedura normali ta’ valutazzjoni tal-leġislazzjoni iżda wkoll mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi, mis-sistemi ta’ informazzjoni GRAS-RAPEX u ICSMS u l-implimentazzjoni ta’ indikaturi li jippermettu s-segwitu mill-pari. Il-proċeduri ta’ notifika mill-pajjiżi ser jiġu razzjonalizzati permezz ta’ sistema waħda ta’ notifika għall-prodotti kollha.

2.12

Il-kontrolli fil-fruntieri ser jissaħħu u l-moviment ta’ kwalunkwe prodott li huwa suspettat li jirrappreżenta riskju għandu jitwaqqaf sakemm issir analiżi aktar fil-fond tal-qagħda tiegħu mill-awtorità ta’ sorveljanza.

2.13

Is-sistema ta’ notifika RAPEX għall-prodotti li jirrappreżentaw riskju ser tittejjeb mil-lat tal-perjodi limiti ta’ notifika u tar-rilevanza tal-informazzjoni dwar ir-riskji tal-prodott li dwaru tkun saret notifika.

2.14

Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri restrittivi adatti fir-rigward tal-prodotti perikolużi li ser jiġu applikati direttament f’każ li l-miżuri standard ta’ urġenza ma jkunux biżżejjed jew adatti.

2.15

L-Att dwar is-Suq Uniku jipprevedi Pjan ta’ Azzjoni Pluriennali dwar is-sorveljanza tas-suq. Dan il-Pjan għandu jikkonċerna l-oqsma fejn il-koordinazzjoni żgurata mill-Kummissjoni tista’ tkun ta’ valur miżjud ġenwin u tista’ twassal għal titjib konsiderevoli.

2.16

Dan il-Pjan huwa l-istrument ta' azzjoni prinċipali fil-livell Komunitarju; huwa jħeġġeġ komunikazzjoni u kooperazzjoni msaħħa. Permezz ta’ mezzi tal-informatika, fil-forma ta’ stħarriġ u studji maħżuna fis-sistema, ser ikun hemm aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-aqwa prattiki. Il-bżonnijiet ser jiġu identifikati u f’dan il-kuntest ser jiġu offruti għodod ta’ taħriġ, għajnuna teknika u ta’ konsulenza.

2.17

Il-Kummissjoni ser tfassal approċċ komuni ta’ kontrolli dokumentarji u tekniċi u għall-analiżijiet li jsiru fil-laboratorji. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet u l-programmi konġunti ser itejjeb l-effikaċja tas-sorveljanza.

2.18

Il-ġbir flimkien tar-riżorsi ser iwassal għal sinerġija u ser jevita d-duplikazzjoni. L-informazzjoni miġbura matul il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjoanli ser tinħażen fil-bażi tad-data ICSMS li hija amministrata mill-Kummissjoni li ser toffri l-mezzi u t-taħriġ neċessarji biex jintuża l-potenzjal kollu ta’ din il-bażi tad-data.

2.19

Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jiġu infurmati u kkonsultati b’mod regolari u flessibbli.

2.20

Ir-rapport li tfassal mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jippermetti li jiġu infurmati l-istituzzjonijiet u l-partijiet involuti u li jiġu valutati l-miżuri ta’ akkreditazzjoni, ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tas-suq li huma ffinanzjati mill-UE.

2.21

Is-servizzi doganali u ta’ kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandhom jingħataw aktar mezzi u poteri huma u jindirizzaw il-kwistjoni tal-prodotti importati. Dan jirrikjedi l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali, b’mod partikolari t-taħriġ u l-għodod tekniċi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-inizjattiva tat-tisħiħ tas-sorveljanza u tal-kontrolli tas-sigurtà tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq, irrispettivament jekk ikunux ġejjin mill-UE, mill-pajjiżi taż-ŻEE jew minn pajjiżi terzi. Peress li tiżgura sigurtà aħjar tal-prodotti hija sservi għala azzjoni ewlenija tal-Att dwar is-Suq Uniku u tirreaġixxi għall-approċċ il-ġdid.

3.2

Il-Kumitat jinnota madankollu li l-proċeduri ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali għadhom vagi ħafna. Jista’ jiġi definit aħjar qafas flessibbli u adatt f’livelli differenti mingħajr ma jiġu introdotti proċeduri burokratiċi addizzjonali jew aktar stretti.

3.2.1

L-intrapriżi kkonċernati jitennew ħafna mill-informazzjoni legali u teknika li tista’ tippermettilhom li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom is-sigurtà legali indispensabbli għad-deċiżjonijiet ta’ investiment fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. L-informazzjoni miġbura mid-diversi korpi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll dwar il-prodotti li jressqu għall-kontroll jew għal proċedura ta’ akkreditazzjoni għandha tkun aċċessibbli għalihom.

3.2.2

Il-konsumaturi u l-ħaddiema jixtiequ li b'mod leġittimu jaċċertaw lilhom infushom dwar l-affidabbiltà tal-prodotti fis-suq, li jkunu jridu jużawhom fil-ħidma tagħhom jew fil-konsum tagħhom. Huma għandhom id-dritt li jkunu jafu l-azzjonijiet implimentati għal dan il-għan fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew settorjali biex ikunu żgurati li s-saħħa u s-sigurtà tagħhom mhumiex mhedda.

3.2.3

Il-Kumitat jinsab konvint li l-fiduċja fis-sigurtà tal-prodotti hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u l-moviment liberu tal-prodotti, u dan għandu impatt favorevoli fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

3.3

Il-Kumitat iqis li s-sorveljanza u l-kontrolli, u b’mod partikolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, huma prinċipalment il-kompetenzi tal-Istati Membri, filwaqt li l-Unjoni tiżgura l-koordinazzjoni u l-miżuri indispensabbli għal azzjoni komuni effikaċi kif ukoll għall-istandardizzazzjoni tal-prodotti. Din is-sorveljanza u dawn il-kontrolli għandhom impatt fuq l-intrapriżi u jirrappreżentaw spiża konsiderevoli kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi f’termini ta’ konformità (standardizzazzjoni, it-tikketta tal-KE). Il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex, fl-attivitajiet tagħhom, jikkunsidraw b’mod adatt il-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi u b’mod partikolari fuq l-SMEs sabiex ma tiġix aggravata s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom f’perjodu ta’ kriżi u ta’ qgħad konsiderevoli.

3.4

Il-qafas regolatorju u l-għadd u l-kwalità tal-mezzi ta’ kontroll fir-rigward tal-moviment liberu tal-prodotti mhux alimentari koperti fl-abbozz ta’ regolament ma jistgħux jiġu traskurati jew ikollhom xi nuqqasijiet. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-mezzi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll bil-għan li tiġi garantita l-effikaċja totali tagħhom. Għalkemm jirrikonoxxi li l-baġits huma limitati bħalissa, il-Kumitat iqis li l-interessi pubbliċi kkonċernati jirrikjedu li jsir minn kollox biex jiġu garantiti s-sigurtà u s-saħħa tal-konsumaturi kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent fir-rigward ta’ prodotti difettużi jew perikolużi. Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern huwa indispensabbli għall-irkupru ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

3.4.1

F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li s-sistema attwali ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tas-suq għandha nuqqasijiet jew inadegwatezzi serji. Il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali kompetenti, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati għandha tissaħħaħ. Jeħtieġ li jiġu organizzati konsultazzjonijiet regolari. Fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ħaddiema – u b’mod li tiġi garantita l-immunità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet – għandu jiġi implimentat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ twissija fir-rigward ta’ ċerti prodotti. Il-korpi kompetenti, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, il-korpi tekniċi ta’ ċertifikazzjoni, is-servizzi doganali u s-servizzi tal-prevenzjoni tal-frodi għandhom jikkooperaw u jagħmlu disponibbli l-informazzjoni miġbura bil-għan li jiġu evitati d-duplikazzjoni, il-ħela tar-riżorsi disponibbli u sabiex tibqa’ tissaħħaħ l-effikaċja tal-kontrolli li jsiru.

3.5

L-effikaċja tas-sistema Komunitarja ta’ skambju rapidu tal-informazzjoni (RAPEX) tippedendi għalkollox minn kemm jinbagħtu malajr in-notifiki u mir-rilevanza tal-informazzjoni teknika fir-rigward tal-prodotti dubbjużi. Il-linji gwida stabbiliti għall-ġestjoni ta' RAPEX għandhom jiġu implimentati b'mod kontinwu, u jkunu ċari biżżejjed biex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in-natura u l-iskala tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata; il-kriterji għall-identifikazzjoni tar-riskji serji għandhom jiġu stabbiliti fil-qafas ta' dawn il-linji gwida, u l-miżuri li għandhom jittieħdu konsegwentement għandhom ikunu definiti b'mod ċar, bħas-suspensjoni provviżorja, il-ħtieġa ta' bidliet tekniċi, sas-sempliċi projbizzjoni.

3.6

Anke r-riskji moderati jew mhux verifikati xjentifikament għandhom jiġu notifikati fi ħdan ir-RAPEX sabiex jiġu previsti miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħas-sospensjoni provviżorja, billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni fejn ikun hemm bżonn, jew miżuri adatti oħra bħar-rekwiżiti addizzjonali ta’ informazzjoni għall-konsumaturi u t-twissija lill-utenti apparti r-rekwiżiti normali ta’ tikkettar tal-prodotti.

3.7

Meta, f’każijiet ta’ riskji magħrufa, il-Kummissjoni tipprevedi li tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ prodott jew kategorija ta’ prodotti bil-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi ta’ kontroll ta’ dawn il-prodotti, il-Kumitat jixtieq li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema jiġu nnotifikati u li l-opinjoni tagħhom tiġi kkunsidrata f’kull miżura possibbli. Ta’ min jinnota li dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jgħaddu lill-membri tagħhom mill-aktar fis id-dispożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni, u dan jgħin b’mod sinifikanti biex jinfiehmu u jiġu applikati b’mod rapidu.

3.8

Fir-rigward tal-Forum tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, li għadu kif ġie stabbilit mir-regolament, il-Kumitat jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jiġu mistiedna jieħdu sehem f’kapaċità konsultattiva fis-sottokorpi settorjali li jistgħu jinħolqu mill-Forum. Il-Kumitat iqis li, minkejja n-natura konsultattiva tagħhom, l-opinjonijiet u l-proposti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati b’mod adatt u jitqiesu f’kull miżura possibbli, fid-dawl tar-rwol attiv tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi u l-ambjenti ekonomiċi u soċjali li jirrappreżentaw.

3.9

Barra minn hekk, fid-dawl ta' ċerti riskji, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tal-Istati Membri għandhom iniedu twissija dwar ir-riskji minħabba ċerti prodotti u possibbliment il-mezzi għall-protezzjoni; huma għandhom jikkooperaw mal-operaturi ekonomiċi, sabiex jitwarrbu r-riskji li jqumu minn ċerti prodotti, imma anke mal-organizzazzjonijiet kompetenti tas-soċjetà ċivili, li għandhom jgħaddu l-għarfien u l-mezzi ta' informazzjoni tagħhom lill-membri tagħhom.

3.10

Fl-aħħar nett, il-Kumitat iqis li l-proposta inkwistjoni tindirizza b’mod ġenerali r-rekwiżiti tal-qafas leġislattiv il-ġdid (approċċ ġdid) kif ukoll dawk tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Jaqbel ukoll mal-bażi legali li fuqha d-DĠ responsabbli sejsu l-proposta tagħhom. Il-Kumitat jirreferi wkoll għall-Artikolu 12 tat-TFUE li jispeċifika li l-protezzjoni tal-konsumaturi għandha tiġi kkunsidrata “fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni”.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat għadu mħasseb dwar id-differenzi potenzjali fl-interpretazzjoni tar-regolament minn pajjiż għall-ieħor; l-azzjoni Komunitarja għandu jkollha l-għan li l-interpretazzjonijiet u l-prattiki jkunu verament uniformi, għas-sigurtà legali tal-operaturi u s-sigurtà tal-utenti.

4.2

Jinsab imħasseb ukoll dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità li jistgħu jkunu ta’ ostaklu għall-aħjar informazzjoni dwar l-elementi jew il-prodotti perikolużi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa, is-sigurtà tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent, pereżempju fil-qasam tas-sigrieti tal-produzzjoni. L-interessi pubbliċi kkonċernati b’mod ġenerali jissuperaw l-interessi privati li jistgħu jiġu protetti b’mod abbbużiv minħabba li l-kunċett ta’ kunfidenzjalità jiġi mifhum b’mod assolut wisq. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni għandha tiġi ċċirkolata bejn il-korpi tal-Istati Membri u dawk tal-Unjoni inkarigati mis-sistema ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. Madankollu, jeħtieġ li tiġi rispettata d-data personali protetta mil-liġi u li ma jiġux kompromessi l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

4.3

Kif jeħtieġ ir-Regolament, l-awtoritajiet għandhom jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-prodotti perikolużi u r-riskji li jġibu magħhom, il-miżuri potenzjali ta' prevenzjoni, u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fir-rigward tal-operaturi, f'sit tal-internet speċjalizzat. Il-Kumitat jitlob li l-pubblikazzjoni ma tiġix ostakolata b'idea ta' kunfidenzjalità eċċessiva fir-rigward tas-sigrieti kummerċjali meta s-saħħa u s-sigurtà tal-utenti jkunu fir-riskju; barra minn hekk, din hija l-prattika segwita mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tas-sistema RAPEX, prattika li għandha tinżamm.

4.4

Il-Kumitat jinsisti fuq ir-rekwiżiti tal-indipendenza u t-trasparenza tal-korpi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll. L-uffiċjali ta’ dawn il-korpi għandhom jiġu protetti minn interferenzau kull tentattiv ta’ korruzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Dawn għandhom ikunu imparzjali u għandhom jiġbru l-ilmenti kollha li jitressqu mill-konsumaturi u l-utenti jew l-organizzazzjonijiet tagħhom u fejn ikun hemm bżonn jagħtuhom segwitu. Il-laboratorji ta’ kontroll għandhom joperaw ukoll b’mod għalkollox indipendenti, l-istess bħall-korpi inkarigati mill-għoti ta’ tikketti standardizzati, li huma indispensabbli biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-intrapriżi u l-konsumaturi jagħmlu l-għażla tagħhom.

4.5

Il-Kumitat jemmen li r-Regolament propost għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jistabbilixxu bażi tad-data pan-Ewropea dwar il-korrimenti li tkun tkopri kull tip ta' korriment. Din il-bażi tad-data għandha:

tgħin lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq jieħdu deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskji b'mod aktar infurmat,

tipprovdi bażi għal azzjonijiet ta' prevenzjoni u kampanji biex jiżdied l-għarfien pubbliku, u tippermetti lil dawk li jfasslu l-istandards biex jiżviluppaw standards tal-prodotti aħjar,

tgħin lill-manifatturi jadattaw id-disinn tas-sigurtà fuq prodotti ġodda,

tivvaluta l-effettività ta' miżuri preventivi u tistabbilixxi l-prijoritajiet fit-tfassil tal-politika.

4.5.1

Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li:

fil-proposta tiġi inkluża dispożizzjoni meħuda mir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li titlob lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-inċidenti u l-ħsara għas-saħħa li jkun hemm suspett li ġew ikkawżati minn dawn il-prodotti, u

tiġi stabbilita bażi legali għall-bażi tad-data dwar il-korrimenti li permezz tagħha l-Kumissjoni Ewropea tgħin il-koordinazzjoni tal-ġbir tad-data mill-Istati Membri u t-tħaddim tajjeb ta' din il-bażi tad-data.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni — inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020”

COM(2013) 83 final

2013/C 271/17

Relatur: is-Sur RÖPKE

Nhar it-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020

COM(2013) 83 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ April 2013.

Matul l-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-22 ta’ Mejju ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’160 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali tal-Kummissjoni Ewropea u l-bidla li jġib miegħu fejn l-enfasi aktar qawwija fuq l-investiment soċjali ma tiġix ikkunsidrata biss bħala spiża iżda hija kkunsidrata wkoll bħala investiment fil-ġejjieni, fit-tkabbir u fl-impjiegi li jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għall-ksib tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u jikkostitwixxi element ċentrali tal-mudell soċjali Ewropew.

1.2

L-investiment soċjali mmirat mhux biss iwassal għall-progress soċjali u soċjetali iżda fl-istess ħin iwassal ukoll għal żieda fil-kompetittività. Speċjalment fi żminijiet ta’ qgħad drammatiku u mingħajr preċedent u faqar li kulma jmur jiżdied, l-investiment fis-sigurtà soċjali jaqdi rwol ċentrali wkoll fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali kif ukoll fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar.

1.3

Is-suq tax-xogħol huwa fattur ewlieni għall-ġestjoni tat-tibdil demografiku u għall-konsolidazzjoni sostenibbli tal-baġits pubbliċi. Fil-fehma tal-KESE, l-investiment soċjali qawwi u mmirat iżid b’mod sostenibbli l-opportunitajiet tal-individwi biex isibu impjieg. Għaldaqstant, il-pakkett dwar l-investiment soċjali jista’ jagħti kontribut importanti għal bidla politika favur aktar tkabbir u impjiegi, jekk jiġi implimentat fil-prattika b’mod konsistenti.

1.4

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-iżvilupp tal-politika soċjali huwa qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u li kull pajjiż għandu jibbilanċja s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tiegħu u l-organizzazzjoni tas-servizzi soċjali. Minħabba d-differenzi kbar bejn il-pajjiżi, il-Kummissjoni Ewropea għandha taqdi rwol ċentrali fl-iskambju ta’ approċċi innovattivi u provati bejn l-Istati Membri u l-atturi rilevanti kollha.

1.5

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi b’mod espliċitu r-rwol importanti li jaqdu l-ekonomija soċjali, l-intrapriżi soċjali, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-talba biex l-imsieħba soċjali u l-atturi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri jiġu involuti b’mod fundamentali fil-proċess ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew.

1.6

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika pjan għall-implimentazzjoni konkreta tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali li jappoġġja lill-Istati Membri bil-miżuri meħtieġa u jippromovi l-iskambju bejn il-pajjiżi, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-provvedituri tas-servizzi soċjali. Dawn l-atturi għandhom l-għarfien espert neċessarju fil-qasam tal-investiment soċjali, l-innovazzjoni soċjali u l-ħolqien tal-impjiegi.

1.7

Madankollu, il-KESE jikkritika l-fatt li l-kwistjoni tal-finanzjament għall-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali ftit li xejn ġiet indirizzata. Mingħajr bidla fil-politika unilaterali tat-tnaqqis fin-nefqa, l-implimentazzjoni b’suċċess tal-proposti ma tidhirx realistika. Ta’ min jilqa’ l-użu mtejjeb tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIF), kif ukoll il-possibbiltà ta’ effiċjenza u adegwatezza akbar tal-miżuri iżda dawn żgur li mhux ser ikunu biżżejjed biex tinkiseb il-bidla mixtieqa fil-politika.

1.8

Għaldaqstant, il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-identifikazzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġits pubbliċi huwa essenzjali. F’dan ir-rigward ta’ min isemmi l-miżuri li ġejjin flimkien mal-intaxxar ta’ diversi tipi ta’ assi: it-tibdil u l-espansjoni tal-bażijiet tat-taxxa, l-għeluq tar-rifuġji fiskali, it-tmiem tal-kompetizzjoni dannuża għall-inqas taxxi kif ukoll il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.

1.9

B’mod partikolari f’dan ir-rigward, il-KESE jtenni t-talba espliċita tiegħu għal programm ekonomiku u ta’ investiment Ewropew ta’ 2 % tal-PDG. B’hekk ikun jista’ jiġi ffinanzjat patt ta’ investiment soċjali, li jippermetti li sseħħ bidla fil-prijoritajiet politiċi fid-direzzjoni tal-investiment soċjali u li jissaħħu u jiġu modernizzati l-politiki soċjali fl-Istati Membri minkejja l-konsolidazzjoni fiskali mixtieqa. Huwa biss permezz ta’ finanzjament adatt li l-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali jkun jista’ jiġi implimentat b’suċċess fil-prattika, inkella jibqa’ biss dikjarazzjoni ta’ intenzjoni.

1.10

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex l-enfasi aktar qawwija fuq l-investiment soċjali tiġi riflessa wkoll fil-proċess ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew. Din l-enfasi l-ġdida għandha tiġi kkunsidrata b’mod espliċitu fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif ukoll fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jmiss (2014). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta proposti konkreti mill-aktar fis. Għandu jiġi ċċarat li investiment soċjali akbar huwa kompatibbli ma’ konsolidazzjoni fiskali “differenzjat[a] u favorevoli għat-tkabbir”.

2.   Il-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali għat-tkabbir u l-koeżjoni

2.1

Wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li sal-2020 tal-anqas 20 miljun individwu joħorġu mill-faqar. Il-konsegwenzi profondi tal-kriżi u l-ħtieġa li nerġgħu naqbdu t-triq li twassal għat-tkabbir wasslu sabiex jitfasslu għadd ta’ inizjattivi mill-Kummissjoni bil-għan li jiġu preservati u jinħolqu l-postijiet tax-xogħol, ikun hemm tranżizzjonijiet bla xkiel bejn impjieg u ieħor u n-nies jibdew jiddaħħu fis-suq tax-xogħol (1).

2.2

Fl-20 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ħarġet it-tant mistenni Pakkett dwar l-Investiment Soċjali tagħha li kkonsista f’Komunikazzjoni (“Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”), Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (“L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”) u seba’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal mehmużin.

2.3

Il-Pakkett ipoġġi l-investiment soċjali mtejjeb fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jintegra l-governanza u r-rekwiżiti tar-rappurtar tal-Unjoni u l-Istati Membri bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-politika soċjali, tal-impjieg u tal-edukazzjoni.

2.4

Il-Kummissjoni tinnota li l-kriżi fl-Ewropa, li ilha għaddejja mill-2008, żiedet il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għal ħafna ċittadini f’għadd ta’ Stati Membri, u li dawn il-problemi laħqu dimensjonijiet rekord, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli. Għaldaqstant, fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni tagħti parir lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar enfasi fuq l-investiment soċjali u jużaw ir-riżorsi b’mod aktar effiċjenti.

2.5

Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li l-investiment soċjali jgħin liċ-ċittadini. Dan isaħħaħ il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom u jgħinhom jieħdu sehem fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol li, min-naħa tiegħu, iwassal għal benessri akbar, iħeġġeġ l-ekonomija u jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar kompetittiva.

2.6

Jingħad li s-sistemi soċjali jaqdu tliet funzjonijiet: l-investiment soċjali għal ġejjieni aħjar, il-protezzjoni soċjali matul perjodi diffiċli tal-ħajja, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija.

2.7

Il-Kummissjoni tappella għall-azzjoni biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nies li jinsabu f’fażijiet kritiċi ta’ ħajjithom. Għal dan il-għan, hija tirrakkomanda miżuri ta’ prevenzjoni fis-sura ta’ investiment fl-aktar fażi bikrija possibbli minflok investiment bħala reazzjoni għall-problemi wara li jkun sar il-fatt, li jkun jiswa aktar flus. Għaldaqstant, l-investiment fit-tfal u ż-żgħażagħ huwa vitali.

2.8

Dan jiġi speċifikat f’aktar dettall fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni permezz tal-linji gwida għall-Istati Membri. Skont il-Kummissjoni l-investiment preventiv kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal, li huwa intiż biex jippromovi l-benessri tat-tfal, jista’ jinkiseb permezz ta’ firxa sħiħa ta’ miżuri differenti.

2.9

Taħt is-sottotitolu “Lok għal titjib fl-effiċjenza tal-politiki soċjali”, fil-Komunikazzjoni l-Kummissjoni titlob għal użu aktar effettiv tal-finanzjament sabiex jiġu żgurati sigurtà soċjali sostenibbli u adegwata kif ukoll politika soċjali mtejba bbażata fuq l-evidenza. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġġa jissemplifikaw l-amministrazzjoni tal-benefiċċji u s-servizzi, jimmiraw il-benefiċċji b’mod aktar effettiv u jagħmluhom ibbażati fuq kundizzjonijiet, pereżempju l-parteċipazzjoni f’aktar taħriġ.

2.10

L-Istati Membri kemm-il darba jintalbu jimpenjaw ruħhom aktar biex jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha, speċjalment lill-imsieħba soċjali u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, huma u jtejbu l-politika soċjali b’rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali

3.1

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-effetti profondi tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali ddominaw l-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin. Għalkemm l-Istati Membri inizjalment irreaġġixxew b’politika ekonomika kontroċiklika u li tistabilizza l-ekonomija, il-pakketti ta’ salvataġġ tal-banek wasslu b’mod partikolari għal żieda sostanzjali fid-dejn pubbliku. B’mod ġenerali, it-tentattivi tal-gvernijiet biex, fi żmien ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, jikkonsolidaw il-baġits pubbliċi permezz ta’ tnaqqis unilaterali fin-nefqa ma rnexxewx. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-investiment soċjali għaldaqstant tipprovdi perspettiva ġdida għall-ġlieda kontra l-kriżi, jiġifieri, li fil-perjodu qasir l-investiment soċjali huwa assoċjat ma’ spejjeż, iżda fil-perjodu medju u fit-tul l-investiment soċjali huwa assoċjat ma’ benefiċċji mil-lat ta’ benessri għas-soċjetà u ma’ żieda fid-dħul għall-baġit nazzjonali, li jwasslu għal tnaqqis fl-ispiża soċjali fil-ġejjieni.

3.2

Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali tal-Kummissjoni u l-bidla fundamentali relatata għall-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward ta’ aġenda li tħares ’il quddiem. L-Istati Membri issa huma mitlubin b’mod espliċitu jagħmlu enfasi akbar fuq l-investiment soċjali u jimmodernizzaw u jsaħħu l-politika soċjali u jużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod aktar effiċjenti. Il-politika soċjali għandha ssir aktar sostenibbli. B’hekk, il-Kummissjoni tidher li qed tikkoreġi l-iżbalji li saru fi snin reċenti u li m’għadhiex tikkunsidra l-investiment soċjali biss bħala spiża. Tali investiment ser isaħħaħ il-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini, ser itejjeb l-opportunitajiet tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, li min-naħa tiegħu ser iwassal għal titjib fil-benessri tal-individwi, ser jistimola l-ekonomija u jgħin lill-UE toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva. Dan il-pakkett jista’ jkun wieħed mill-aktar inizjattivi ta’ politika soċjali importanti ta’ dawn l-aħħar snin, dejjem jekk jiġi implimentat b’mod konsistenti u ambizzjuż. Dan jirrikjedi l-appoġġ fit-tul tal-Kummissjoni Ewropea.

3.3

Madankollu, it-tfassil tal-politiki soċjali huwa qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Id-diversità tal-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tirrikjedi li kull Stat Membru jikseb bilanċ bejn is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema soċjali tiegħu, peress li ma jeżistix mudell uniku għal kulħadd. Il-Kummissjoni għandha tiġbor eżempji tal-aħjar prattiki, inkluża l-promozzjoni tal-fornituri tas-servizzi li joperaw fl-interess ġenerali permezz tal-akkwist pubbliku u l-libertà tal-għażla fis-servizzi soċjali, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jorganizzaw is-sistemi soċjali tagħhom b’mod innovattiv u effiċjenti filwaqt li jagħmlu enfasi fuq l-impjiegi u l-attivazzjoni bil-għan li jinkiseb l-għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jonqos il-faqar.

3.4

Fi żmien ta’ qgħad mingħajr preċedent u faqar li dejjem jiżdied fl-UE, is-sigurtà soċjali saret indispensabbli biex jingħelbu l-isfidi li tfaċċaw. L-investiment immirat fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u tal-istat soċjali jista’ jsolvi l-problemi strutturali u joħloq l-impjiegi. Il-potenzjal eżistenti jista’ jintuża aħjar billi jiġu segwiti l-aktar strateġiji ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni attivi u komprensivi possibbli għall-iktar firxa wiesgħa tal-popolazzjoni, u billi l-Istati Membri kollha jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-2008 dwar l-integrazzjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

3.5

Filwaqt li s’issa n-nefqa soċjali prinċipalment tiġi meqjusa bħala “spiża” u ntalab tnaqqis fil-baġits soċjali, din il-Komunikazzjoni tista’ tirrappreżenta speċi ta’ bidla fil-politika fil-livell tal-UE kif ukoll f’xi Stati Membri. Il-KESE ilu żmien twil isostni li hemm bżonn kbir ħafna ta’ investiment, inkluż investiment soċjali, u li dan jista’ joħloq l-impjiegi, jevita l-faqar u jillimita ż-żieda fl-esklużjoni soċjali. Dan ser jirrikjedi kemm investiment privat u pubbliku kif ukoll riformi (2).

3.6

Il-KESE jilqa’ wkoll bħala perspettiva ġdida u mod ġdid ta’ kif inħarsu lejn l-interventi taċ-ċiklu tal-ħajja u l-approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet fir-rigward tal-investiment soċjali li ttieħed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li jistgħu jtejbu l-opportunitajiet individwali u l-koeżjoni soċjali kif ukoll isaħħu l-iżvilupp ekonomiku. It-tisħiħ tal-investiment soċjali għandu effetti pożittivi b’mod partikolari kemm fil-perjodu medju kif ukoll fit-tul. Madankollu, l-effetti pożittivi fil-perjodu qasir bl-ebda mod m’għandhom jiġu sottovalutati. L-investiment f’politika soċjali mtejba u bbażata fuq l-evidenza jagħti riżultati pożittivi u malajr f’ħafna sitwazzjonijiet (3).

3.7

L-investiment soċjali m’għandux biss effetti fuq il-politiki tas-swieq tax-xogħol, iżda jaqdi wkoll rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni soċjali u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar. Il-kriżi ekonomika profonda fl-Ewropa aggravat b’mod drammatiku l-pożizzjoni soċjali ta’ ħafna individwi. Biex tiġi miġġielda din it-tendenza, huwa assolutament neċessarju li jkun hemm bidla lejn investiment aktar soċjali.

3.8

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiċċara u tiddefinixxi f’termini speċifiċi xi tfisser eżatt bit-talba tagħha għall-“kundizzjonalità” tal-benefiċċji soċjali. Għalkemm jista’ jkun loġiku li f’oqsma bħall-politika attiva tas-suq tax-xogħol il-benefiċċji jiġu assoċjati ma’ għan partikolari (bħall-parteċipazzjoni fit-taħriġ), dan il-prinċipju m’għandu bl-ebda mod jiġi applikat b’mod ġenerali fil-politika soċjali (pereżempju fil-qasam tat-tħaris tat-tfal). Il-benefiċċji soċjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala drittijiet soġġetti għal kriterji prevedibbli b’tali mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

3.9

L-oqsma ewlenin fejn għandu jiġi applikat dan l-“approċċ il-ġdid” lejn l-investiment soċjali huma riflessi fir-Rakkomandazzjoni u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal ippubblikati flimkien mal-Komunikazzjoni. Il-Kummissjoni issa għandha tniedi djalogu mal-atturi rilevanti kollha dwar kif dan l-approċċ lejn l-investiment soċjali b’rabta ma’ dawn il-prijoritajiet tematiċi stabbiliti għandu jiġi applikat fil-prattika u għandha tressaq pjan għall-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha, li għandu jinkludi gwida ta’ azzjoni li tappoġġja lill-Istati Membri.

3.10

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent espliċitu mill-Kummissjoni Ewropeatar-rwol importanti li għandhom jaqdu l-ekonomija soċjali, l-intrapriżi soċjali u s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali (4). Apparti li jipprovdu esperjenza u riżorsi addizzjonali, sikwit huma involuti direttament u b’mod konkret fl-implimentazzjoni tal-għanijiet politiċi, bħal pereżempju t-twettiq tas-servizzi soċjali. Sabiex jiġu appoġġjati f’dawn il-kompiti, jeħtieġ li jkun hemm fondi pubbliċi u kapital privat għad-diżpożizzjoni tagħhom b’mod aħjar u aktar sempliċi. L-inklużjoni ta’ objettivi tematiċi għall-investiment soċjali u tal-investimenti bħala azzjonijiet fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE fl-2014-2020 huma proposti li jintlaqgħu tajjeb. Għandhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati – li għandhom jinvolvu lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili – dwar il-programmi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea.

3.11

Il-Kummissjoni temmen li l-innovazzjoni hija fattur importanti fil-qasam tal-politika dwar l-investiment soċjali għax il-politika soċjali teħtieġ tiġi adattata l-ħin kollu għall-isfidi l-ġodda. Għaldaqstant il-kumpaniji privati appoġġjati minn kuntratti pubbliċi jaqdu rwol importanti bħala alternattiva u komplement għas-settur pubbliku.

3.12

L-Istati Membri għandhom jużaw aktar approċċi innovattivi għall-finanzjament pereżempju permezz tal-parteċipazzjoni tas-settur privat jew bonds ta’ investiment soċjali, li l-Kummissjoni tiżgura li ser jikkontribwixxu għall-iffrankar baġitarju (5). Madankollu, il-bonds ta’ investiment soċjali huma suġġett kontroversjali ħafna u jeħtieġ li jsiru aktar studji dwar il-konsegwenzi tagħhom. Barra minn hekk, għandhom jiġu provduti aktar dettalji dwar l-oqsma li jistgħu jkunu l-aktar adatti għal tali “finanzjament innovattiv”. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza li tali strumenti bl-ebda mod m’għandhom iwasslu għall-kummerċjalizzazzjoni tal-politika soċjali. L-istat m’għandux ifarfar ir-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-politika soċjali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Sfortunatament, wieħed għandu jassumi li d-deterjorament ekonomiku u soċjali u t-tnaqqis fir-rata tat-tkabbir ser jissoktaw fis-snin li ġejjin, fost l-oħrajn minħabba l-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali tal-Istati Membri tal-UE. It-tkabbir ekonomiku sostenibbli għalhekk ser jiddependi minn domanda (interna) akbar, pereżempju, permezz ta’ parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol. It-tkabbir fis-servizzi soċjali u fl-ekonomija soċjali, li wera r-reżiljenza tiegħu f’din il-kriżi, jaqdi rwol ewlieni wkoll f’dan ir-rigward.

4.2

Il-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali jista’ jagħti kontribut importanti għal dan il-għan. L-espansjoni tas-servizzi soċjali tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi aktar minn kwalunkwe forma oħra ta’ nefqa pubblika. Barra minn hekk, l-investiment fis-servizzi soċjali huwa meħtieġ biex jiġu sodisfatti d-domanda li dejjem tikber u l-bżonnijiet soċjali li dejjem jiżdiedu. Il-ksib tal-għanijiet ta’ impjieg tal-Istrateġija Ewropa 2020 ser jiddependi miż-żieda fin-numru ta’ nisa li jaħdmu u ser iwassal biex jiġu indirizzati l-qgħad (fost iż-żgħażagħ) u l-integrazzjoni mtejba tan-nies avvanzati fl-età fis-suq tax-xogħol.

4.3

Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-appoġġ mogħti mill-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali fl-oqsma ta’ politika nazzjonali, bħall-integrazzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali, għandhom jinkludu wkoll servizzi affordabbli, ta’ kwalità għolja u li jistgħu jiġu aċċessati faċilment mill-gruppi żvantaġġati fis-soċjetà, bħal dawk b’diżabbiltà u n-numru dejjem akbar ta’ individwi li jgħixu f’faqar estrem. Tali servizzi soċjali jżidu l-opportunitajiet tagħhom li jgħixu ħajja deċenti u li jsibu u jibqgħu fl-impjieg.

4.4

L-eżempju tat-tħaris tat-tfal juri li bl-investiment immirat, il-progress soċjali u soċjetali jista’ jiġi abbinat ma’ żieda fil-kompetittività. L-investiment ikbar fit-tħaris tat-tfal u s-servizzi soċjali b’mod usa’ (il-kura tal-anzjani, l-edukazzjoni, l-infermerija, is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà, id-djar ta’ kura (sheltered housing), eċċ.) minn naħa jgħollu l-istandard tal-postijiet, u fl-istess ħin jagħti kontribut importanti għat-tisħiħ tar-rati tal-impjieg fost in-nisa u dawk l-individwi li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b’diżabbiltà u jgħin biex titnaqqas il-pressjoni minn fuq il-baġits pubbliċi fil-perjodu medju u fit-tul. Kif diġà ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li dan l-investiment ikun immirat lejn il-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuna pjuttost milli ta’ grupp sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli u jingħata appoġġ individwali (6). Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li jiġu prevenuti kull tip ta’ problemi soċjali, indipendentement mill-età ta’ dawk ikkonċernati. Għaldaqstant il-prevenzjoni għandha tkun approċċ ġenerali tal-politika soċjali li għandha tiġi estiza biex tkopri l-gruppi soċjali kollha apparti t-tfal.

4.5

Is-suq tax-xogħol huwa fattur ewlieni għall-ġestjoni tat-tibdil demografiku u għall-konsolidazzjoni sostenibbli tal-baġits pubbliċi. Għaldaqstant ta’ min jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni biex tittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, anke permezz ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol u integrazzjoni soċjali aktar b’saħħitha. Jekk il-potenzjal tal-impjieg li jeżisti jintuża b’mod aktar effettiv, il-bilanċ bejn il-kontributuri u l-benefiċjarji jista’ jinżamm b’mod ġenerali minkejja ż-żieda kbira ħafna fl-għadd ta’ persuni akbar fl-età (7). Madankollu, il-KESE jtenni l-opinjoni tiegħu li l-investiment soċjali għandu jikkonċerna wkoll lill-gruppi soċjali li għalihom il-benefiċċji soċjali ma jissarrfux fid-dħul tagħhom fis-suq tax-xogħol.

4.6

Fl-istess ħin, l-investiment soċjali u politika soċjali mtejba mhux biss jistgħu jagħtu kontribut importanti għat-tisħiħ tal-impjiegi. L-implimentazzjoni kontinwa tal-politika ta’ inklużjoni soċjali fl-Istati Membri u l-ġlieda konsistenti kontra l-faqar iwasslu għal vantaġġi konsiderevoli għas-soċjetà kollha u għall-promozzjoni tal-paċi soċjali u l-koeżjoni fis-soċejtà.

4.7

Il-bidla fil-politika enfasizzata fil-Komunikazzjoni tikkontribwixxi b’mod importanti għall-konsolidazzjoni sostenibbli tal-baġits pubbliċi. Il-promozzjoni ta’ tkabbir inklużiv u żieda sostanzjali fir-rati tal-impjieg sal-2020 jistgħu jipprovdu flessibbiltà addizzjonali fil-baġits pubbliċi tas-27 Stat Membru tal-UE, li tista’ tilħaq mal-EUR 1 000 biljun (8).

4.8

Madankollu, għad iridu jiġu indirizzati kwistjonijiet importanti dwar il-bidla fil-prijoritajiet elenkati fil-Komunikazzjoni u l-integrazzjoni tagħha fis-Semestru Ewropew. Il-KESE jilqa’ t-titjib fil-monitoraġġ però huwa konxju wkoll li l-orjentazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 għadha tinkludi l-prijoritajiet tas-sena l-oħra. Fil-fehma tal-KESE għandha ssir enfasi akbar fuq l-investiment soċjali fir-rakkomnadazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għat-tieni nofs tas-sena. Għalhekk, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (2014) għandu jikkunsidra b’mod espliċitu l-investiment soċjali u jinkludi l-problemi soċjali fis-Semestru Ewropew li jmiss. Barra minn hekk, matul is-Semestru għandu jiġi ċċarat b’mod espliċitu li t-tisħiħ tal-investiment soċjali huwa kompatibbli ma’ konsolidazzjoni “differenzjat[a] u favorevoli għat-tkabbir”.

4.9

Madankollu, il-kummenti fil-Komunikazzjoni dwar il-finanzjament tal-inizjattiva ta’ investiment soċjali u t-tibdil tal-istruttura tat-taxxa huma diżappuntanti u jmorru pass lura meta mqabbla mal-Pakkett tal-Impjieg fejn il-Kummissjoni rrakkomandat li jitnaqqas il-piż fuq l-impjieg u li l-kapital jiġi intaxxat aktar. Huwa biss jekk jiġi garantit il-finanzjament li tkun tista’ titwettaq fil-prattika l-bidla fil-politika xprunata mill-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali.

4.10

Madankollu, il-kwistjoni tal-finanzjament għall-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali ftit li xejn ġiet indirizzata. Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIF), b’mod partikolari l-FSE, jistgħu jkunu strumenti importanti ta’ finanzjament jekk jintużaw b’mod aktar effikaċi iżda żgur li mhux ser ikunu biżżejjed biex tinkiseb il-bidla mixtieqa fil-politika. Minflok, il-KESE jtenni li huwa assolutament importanti li jiġu identifikati sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġits pubbliċi, apparti li tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika u li tiġi mmirata b’mod aktar preċiż. Il-kontribut potenzjali ta’ diversi tipi ta’ dħul u assi għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward (9). Fl-istess ħin, ir-riżorsi disponibbli għandhom jintużaw aħjar.

4.11

Il-KESE jinnota li l-loġika tal-investiment soċjali wasslet ukoll biex jinbidlu u jittejbu l-politiki li wrew li kienu ineffiċjenti. L-investiment primarju addizzjonali mhuwiex neċessarju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti informazzjoni u kjarifiki dwar il-politiki soċjali l-ġodda li huma aħjar għall-benefiċjarju aħħari u li l-ispejjeż tagħhom huma komparabbli jew inqas.

4.12

Il-KESE ilu li rrakkomanda li tiġi estiża l-enfasi biex mhux biss tinkludi n-nefqa iżda wkoll id-dħul pubbliku, pereżempju permezz tat-tibdil u l-espansjoni tal-bażijiet tat-taxxa, permezz ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-għeluq tar-rifuġji fiskali, u t-tmiem tal-kompetizzjoni tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (10). Huwa speċifikament fid-dawl tal-Pakkett dwar l-Investiment Soċjali u l-isfidi relatati miegħu li l-KESE jenfasizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jtenni b’mod espliċitu l-bżonn ta’ programm ekonomiku u ta’ investiment Ewropew ta’ madwar 2 % tal-PDG (11). Għalkemm dan il-pakkett jistabbilixxi l-prijoritajiet it-tajba, ma jinkludix proposti għal pakkett dwar l-investiment soċjali li jmur lil hinn mid-dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni u jersaq lejn l-implimentazzjoni prattika ta’ prijoritajiet politiċi ġodda.

4.13

Barra li titlob lill-Istati Membri biex jinvolvu aktar mill-qrib lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ħaġa li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ, il-Kummissjoni għandha tfassal mill-aktar fis proposti speċifiċi għall-involviment aktar mill-qrib u kontinwu tagħhom fil-proċess ta’ koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew. Dan jikkonċerna fost affarijiet oħra l-enfasi aktar qawwija fuq l-investiment soċjali u l-inklużjoni attiva. Tali involviment għandu jkollu approċċ fundamentali u jippermetti li t-tfassil tal-politiki jiġi influwenzat b’mod ġenwin.

Brussell, 22 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Pakkett dwar l-Impjieg, il-Pakkett dwar l-Impjieg għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva tal-UE “Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ”, ir-Reviżjoni tal-Edukazzjoni.

(2)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 65-70.

(3)  “Housing First”, imsejjaħ ukoll “rapid re-housing”, huwa bbażat fuq approċċ għall-problema tal-persuni mingġajr dar li oriġinarjament intuża fil-politika soċjali Amerikana u li ġie implimentati b’suċċess tul dawn l-aħħar snin fl-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Portugall u r-Renju Unit bħala alternattiva għas-sistema konvenzjonali ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza u akkomodazzjoni tranżizzjonali.

(4)  COM(2013) 83 final, p. 5.

(5)  COM(2013) 83 final, p. 6, 7.

(6)  COM(2013) 83 final, p. 8.

(7)  COM(2012) 55 final, White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli, p. 6.

(8)  Ara d-Dokument dwar Kwistjonijiet Prinċipali tal-EPC, Nru 72, Novembru 2012: “1 000 billion euros at stake: How boosting employment can address demographic change and public deficits (Hemm involuti EUR 1 000 biljun: kif it-tisħiħ tal-impjiegi jista’ jindirizza t-tibdil demografiku u d-defiċits pubbliċi)”.

(9)  Ara