ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.CE2013.239.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 239E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
20 ta' Awwissu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew
SESSJONI 2012–2013
Data tas-seduta: 2 ta' Frar 2012
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 114 E, 19.4.2012.
TESTI ADOTTATI

 

Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012

2013/C 239E/01

Il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji (2011/2111(INI))

1

2013/C 239E/02

Politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE (2011/2187(INI))

11

2013/C 239E/03

It-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji (2011/2046(INI))

18

ANNESS

21

2013/C 239E/04

Il-Kontroll baġitarju tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kontroll baġitarju tal-għajnuna umanitarja tal-UE ġestita mill-ECHO (2011/2073(INI))

23

2013/C 239E/05

Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv (2011/2089(INI))

32

2013/C 239E/06

Lista ta' affermazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni"
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni

39

2013/C 239E/07

Konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012

41

2013/C 239E/08

L-Iran u l-programm nukleari tiegħu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu

43

2013/C 239E/09

Id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (2011/2087(INI))

46

2013/C 239E/10

L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kwistjonijiet imqajma minn petizzjonanti b’rabta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, u ta’ direttivi relatati, fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2011/2038(INI))

60

2013/C 239E/11

Il-programm Daphne
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-programm Daphne: kisbiet u prospetti futuri (2011/2273(INI))

69

2013/C 239E/12

Is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 fuq is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra (2011/2198(INI))

74

2013/C 239E/13

Kooperazzjoni għall-żvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030 (2011/2112(INI))

83

2013/C 239E/14

Rapport Annwali dwar il-fiskalità
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-fiskalità (2011/2271(INI))

89

2013/C 239E/15

Il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI))

97

Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

**I

Proċedura ta' konsultazzjoni: l-ewwel qari

**II

Proċedura ta' konsultazzjoni: it-tieni qari

***

Proċedura ta' parir konformi

***I

Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari

***II

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari

***III

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura tiddependi mill-bażi legali proposta mill-Kummissjoni)

Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew SESSJONI 2012–2013 Data tas-seduta: 2 ta' Frar 2012 Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 114 E, 19.4.2012. TESTI ADOTTATI

Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012

20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/1


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra

P7_TA(2012)0017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji (2011/2111(INI))

2013/C 239 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-punt (h) tiegħu, li jistipula li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politiki u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem biex tikseb grad ta' kooperazzjoni għoli fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq il-kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u fuq governanza globali tajba,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b’applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Settembru 2010 rigward ir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab strateġiċi tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ April 2011 dwar il-flussi tal-migrazzjoni li qed jirriżultaw mill-instabilità: l-ambitu u r-rwol tal-politika barranija tal-UE (3)

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 lill-Kunsill dwar is-66 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effikaċi dwar il-materja prima għall-Ewropa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju 2014-2020 bl-isem ta' "Baġit għall-Ewropa 2020" (COM(2011)0500),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0010/2012),

A.

billi t-tkabbir tar-rilevanza politika u ekonomiku tal-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t'Isfel (il-BRICS) ifisser rilevanza akbar f'termini ta' politika barranija għal dawn il-pajjiżi;

B.

billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jistgħu jiksbu relevanza dejjem akbar f’termini tal-politika barranija fix-xena dinjija, jekk it-tkabbir ekonomiku tagħhom ikun aktar ikkonsolidat;

C.

billi seba’ pajjiżi emerġenti (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Messiku u t-Turkija), hu previst li se jkollhom ekonomiji akbar minn dawk tal-pajjiżi tal-G-7 flimkien (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun, il-Kanada, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Italja) fl-2050; billi, f’termini tal-prodott domestiku gross, huwa stmat li ċ-Ċina se ssir l-akbar ekonomija tad-dinja qabel l-2020; billi l-Indja tista’ ssir l-ekonomija li tikber bl-aktar pass mgħaġġel fid-dinja qabel l-2050; billi, fl-2050, iċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Indja jistgħu jirrappreżentaw flimkien 50% tal-ekonomija tad-dinja; billi l-UE jista’ jkollha skala komparabbli ikbar meta mqabbla ma’ dik ta’ xi pajjiżi bħal dawn jekk taġixxi bħala entità politika waħda u b’saħħitha; billi tali skala komparabbli hija essenzjali biex tinżamm influwenza politika u biex tkun tista’ titkompla l-promozzjoni tal-valuri universali fis-sistema multipolari ġdida tal-governanza globali li qed tissawwar; billi dan għandu jsir fil-qafas ta’ approċċ ta’ politika barranija li jkollha l-għan li tippromwovi sħubija, kooperazzjoni u governanza konġunta bbażata fuq valuri komuni;

D.

billi, bil-proċess ta' konsolidazzjoni ta' setgħat ta' politika ekonomika u barranija b'saħħitha bħall-BRICS, feġġet sistema multipolari, fejn it-tmexxija globali qed tinqasam dejjem aktar fost bosta pajjiżi u blokki reġjonali ta' pajjiżi; billi din is-sistema multipolari tfisser ċaqliq progressiv fis-setgħa ekonomika globali fid-direzzjoni tal-BRICS u ta’ ekonomiji emerġenti oħrajn u tista’ tfisser ukoll ċaqliq ta’ tmexxija u spinta pożittiva, f’termini ta’ politika barranija, mis-setgħat eżistenti lejn dawk emerġenti; billi l-kriżi ekonomika attwali ħaffet din it-tranżizzjoni lejn sistema multipolari; billi l-emerġenza ta’ atturi globali ġodda tista’ tkun opportunità imprezzabbli għal sħubija bejn is-setgħat li emerġew u dawk emerġenti u għal azzjoni kkoordinata dwar kwistjonijiet u sfidi globali;

E.

billi sfidi transnazzjonali – bħat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet regolatorji globali, l-aċċess għall-materja prima u għall-elementi naturali rari, it-terroriżmu, u l-ġlieda kontra movimenti radikali bbażati fi Stati oħra, l-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità politika globali u s-sigurtà – se jkunu jeħtieġu approċċ inklussiv ibbażat fuq ir-regoli dwar is-sħubija, il-valuri komuni, il-kunsens, il-konsultazzjoni mill-qrib u l-kooperazzjoni mas-setgħat emerġenti ġodda, jekk verament kondiviżi, għandu jkun possibbli li jinstabu soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi transnazzjonali; billi l-UE tista’ u għandha tieħu inizjattiva f’dan ir-rispett;

F.

billi mingħajr sistema ta’ governanza inklussiva globali ġdida bbażata fuq konsultazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mal-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra, m’hemmx inċentiv biżżejjed għal kooperazzjoni internazzjonali u għal azzjoni komuni fuq azzjoni dwar kwistjonijiet globali ewlenin b’potenzjal ta’ riskju ta’ (i) frammentazzjoni politika u ekonomika u l-emerġenza ta’ aġendi dinjija kompetittivi u ta’ żoni reġjonali separati, (ii) it-tnawwir ta’ strutturi ekonomiċi globali u ta’ flussi ta’ investiment u (iii) il-ħolqien ta’ blokki ta’ influwenza reġjonali b’koordinament internazzjonali limitat u mingħajr il-possibilità li tinstab soluzzjoni komuni għall-isfidi transnazzjonali;

G.

billi d-dimensjonijiet demografiċi kbar tal-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn, imqabbla mad-demografija tal-Punent li dejjem qed tonqos, se jagħtu aktar awtorità lil pajjiżi bħal dawn f’fora internazzjonali, billi l-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn se jkunu jistgħu jitolbu aktar rappreżentanza tal-maġġoranza vasta tal-popolazzjoni tad-dinja; billi dan ifisser il-ħtieġa li jiġu rriformati s-sistema ta’ governanza globali u l-istruttura tal-governanza ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex huma jkunu jistgħu jsiru aktar rappreżentattivi tax-xena ekonomika u politika ġdida u jkomplu jżommu rwol ċentrali fil-bini ta’ kunsens globali u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

H.

billi fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali u r-restrizzjonijiet baġitarji tal-UE u tal-USA jesiġu l-ħtieġa urġenti biex isir il-qsim tar-riżorsi ma’ setgħat emerġenti oħrajn biex tiġi żgurata struttura globali koerenti u effiċjenti ta’ sigurtà u stabbilità u intervent effettiv f’oqsma sensittivi abbażi ta’ objettivi komuni u strateġiji u sforzi koordinati;

I.

billi t-tranżizzjoni b'suċċess fid-direzzjoni ta' ekonomija bi dħul medju tista', skont ċerti kundizzjonijiet, tippromwovi politika barranija aktar moderata u ffokata fuq l-istabilità; billi, madankollu, f'ċerti pajjiżi tal-BRICS u f'pajjiżi emerġenti oħrajn, il-konsolidazzjoni tas-setgħa ekonomika u politika tagħhom mhux dejjem wasslet għal din it-transizzjoni;

J.

billi, minkejja li reċentement kien hemm tkabbir ekonomiku spettakolari f'bosta mill-pajjiżi BRICS, dawn l-istess pajjiżi huma wkoll dawk bl-akbar konċentrazzjoni individwali ta' faqar fid-dinja; billi dan juri li fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet, mingħajr tkabbir favur il-fqar u l-ħolqien ta' xbieki ta' sigurtà, tkabbir ekonomiku mgħaġġel jista' jimplika żieda fl-inugwaljanzi;

K.

billi l-BRICS u l-ekonomiji emerġenti attwali ma jifformawx, jew ma jintegrawx, gruppi formali ta’ pajjiżi maħsuba biex ikollhom rwol speċifiku fl-affarijiet internazzjonali u, għalhekk, l-UE għandha tiżviluppa relazzjoni ma’ kull wieħed minn dawk il-pajjiżi, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi uniċi u l-objettivi u l-miri speċifiċi tal-politika barranija tagħhom; billi l-UE għandha tinvesti fi sħubiji strateġiċi ma’ kull pajjiż tal-BRICS u ta’ ekonomiji emerġenti oħra, billi dawn, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed ikollhom rwol fix-xena internazzjonali, jiġifieri f’organizzazzjonijiet internazzjonali, bħan-NU, bħala mezz biex imexxu ’l quddiem għanijiet komuni, b'mod partikolari l-paċi u s-sigurtà globali, l-istat tad-dritt domestikament jew internazzjonalment, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-iżvilupp sostenibbli u r-regolamentazzjoni finanzjarja globali;

L.

billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jeħtieġu struttura ta’ politika barranija stabbli u ambjent ta’ politika pubblika u regolatorja stabbli, li jkunu jistgħu jsostnu l-interess u l-investiment fl-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħhom; billi l-BRICS u ekonomiji emerġenti oħra jeħtieġ li jinvestu u jkunu appoġġjati fit-tisħiħ tal-istabilità demokratika, politika, ekonomika u soċjali;

M.

billi l-UE għandu jkollha rwol prinċipali fit-tranżizzjoni tas-setgħa globali bħal promotur tas-sħubija u governanza inklussiva, iżda jeħtiġilha taġixxi malajr jekk trid iżżomm l-influwenza tagħha (inkella din tista’ titwarrab b’mod strateġiku); billi dan se jfisser bidliet strateġiċi kemm ġewwa l-UE kif ukoll rigward il-politika barranija tagħha, fost l-oħrajn l-introduzzjoni ta’ koerenza politika akbar;

N.

billi fi tmiem it-tielet laqgħa tal-mexxejja tal-BRICS fl-14 ta' April 2011, il-mexxejja tal-BRICS ħarġu stqarrija konġunta li talbet għal kooperazzjoni internazzjonali akbar u għat-tisħiħ tal-governanza globali, u fejn esprimew appoġġ għad-diplomazija multilaterali man-Nazzjonijiet Uniti u mal-G20; billi tul l-2011, il-ħames pajjiżi tal-BRICS kienu kollha preżenti fl-istess ħin fuq il-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU; billi l-BRICS talbu li ssir bidla fl-istrutturi regolatorji tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u li n-NU jirriflettu l-bidliet fl-ekonomija dinjija u jġestu aħjar l-isfidi globali tal-lum;

O.

billi l-BRICS juru diverġenzi konsiderevoli fis-sistemi politiċi u ekonomiċi tagħhom, fix-xejriet demografiċi u soċjali, u fil-prospetti tal-politika barranija;

P.

billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2010 enfasizzaw li skont it-Trattat ta’ Lisbona, u skont l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jaġixxu b’mod aktar strateġiku sabiex l-importanza reali tal-Ewropa tinfluwenza b’mod internazzjonali u sabiex is-sħubiji strateġiċi tal-UE ma’ atturi ewlenin fid-dinja jipprovdu strument utli biex jintlaħqu l-objettivi u l-interessi Ewropej;

Q.

billi l-ftehimiet ta’ kummerċ attwali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-BRICS huma mhux biss ta’ benefiċċju reċiproku għaż-żewġ naħat f’termini ekonomiċi iżda wkoll politikament;

R.

billi l-UE għandu jkollha sehem proattiv fil-bini ta’ sistema inklussiva u rappreżentattiva tan-Nazzjonijiet Uniti li tista’ tikkontribwixxi b’mod effikaċi għal governanza u soluzzjonijiet globali, għall-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u għal ordni internazzjonali bbażata fuq l-istat tad-dritt; billi, bi qbil mal-Artikolu 21 tat-TUE, l-UE hi formalment impenjata favur multilateraliżmu effikaċi, b’NU b’saħħitha fil-qalba ta’ dan il-proċess;

S.

billi matul is-snin l-UE żviluppat sħubiji strateġiċi bilaterali mal-BRICS, ibbażati fuq valuri u interessi komuni bl-għan li jitjiebu r-relazzjonijiet u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livelli kollha; billi ta’ spiss irriżulta li dawn is-sħubiji strateġiċi kienu inadegwati rigward, b’mod partikolari, il-promozzjoni tad-demokrazija, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u d-definizzjoni ta’ approċċ komuni għas-soluzzjoni tal-kunflitti;

T.

billi hemm ħtieġa urġenti li jinstabu modi kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u fi ħdan il-gruppi tal-pajjiżi ewlenin (G-7, G-20) u kif jitjieb il-mod li bih tiġi kkoordinata ħidmiethom;

U.

billi l-Grupp tal-20 (G-20), li l-pajjiżi membri tiegħu jikkontribwixxu għal 88% tal-PDG globali u 65% tal-popolazzjoni dinjija, sar forum importanti għall-kooperazzjoni fil-livell globali, iżda billi huwa meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-problema tar-rappreżentanza tiegħu u li jiġi stabbilit ir-rwol preċiż tiegħu fl-istruttura multilaterali;

1.

Jenfasizza kif il-kriżi ekonomika attwali wriet l-interdipendenza bejn is-setgħat li emerġew u l-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn; jagħmel referenza għar-rabta profonda u reċiproka bejn it-tkabbir ekonomiku stabbli ta' ekonomiji li żviluppaw u t-tkabbir ekonomiku stabbli ta' ekonomiji emerġenti; jenfasizza li n-natura pożittiva ta' din l-interdipendenza u l-karattru ta' benefiċċju reċiproku tar-rabtiet politiċi u ekonomiċi bejn l-ekonomiji żviluppati u dawk emerġenti; jemmen li l-UE għandha għalhekk tfittex li tikseb għarfien u djalogu politiku ulterjuri mal-BRICS u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn, inkluż fuq bażi individwali, u l-Istati Membri tiegħu fi spirtu ta' sħubija u bl-għan ġenerali li tinkiseb sistema ta' governanza ġdida u inklussiva; jemmen, barra minn hekk, li l-laqgħat ta' livell għoli regolari bejn l-UE u l-pajjiżi BRICS individwali għandha toffri opportunità akbar biex jinbnew relazzjonijiet ta' fiduċja, għar-rikonċiljazzjoni ta' pożizzjonijiet u tħeġġeġ lill-pajjiżi BRICS jassumu responsabilità akbar f'sistema ġdida ta' governanza globali, msejsa fuq responsabilità maqsuma, approċċi komuni u azzjonijiet iktar ikkoordinati mill-qrib; hu tal-fehma li l-istrument ta' sħubiji strateġiċi jistgħu joħolqu sinerġiji siewja fil-kisba ta' dawn l-obbjettivi;

2.

Jemmen li relazzjonijiet bejn, minn naħa, il-poteri stabbiliti u l-BRICS u poteri emerġenti oħrajn min-naħa l-oħra jżommu dimensjoni ekonomika rilevanti, iżda dawn huma essenzjalment ta' natura politika u għalhekk għandhom jinżammu f'qafas politiku, peress li l-pajjiżi kollha kkonċernati għandhom interess li jiżguraw sistema effikaċi ta' governanza globali u li jittrattaw flimkien, fi spirtu ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni u ta' konverġenza ta' pożizzjonijiet ta' politika, dawk ir-riskji ta' stabilità globali u ta' sigurtà li jistgħu jkunu ta' theddida għat-tkabbir ekonomiku globali sostenibbli u l-potenzjal tagħha fil-futur; jitlob għalhekk, għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-BRICS, inkluż f'termini ta' sħubija mal-pajjiżi BRICS individwali, dwar il-kwistjonijiet kollha ta' preokkupazzjoni internazzjonali;

3.

Jenfasizza li filwaqt li l-BRICS jistgħu jkollhom pożizzjonijiet simili f'termini ta' politika barranija, huma għandhom ukoll differenzi kbar f'termini politiċi, ekonomiċi u soċjali; jinnota, b'mod partikolari, li s-sistemi politiċi tagħhom ivarjaw minn reġimi awtoritarji b'saħħithom sa demokraziji kredibbli u stabbli; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-UE biex ittejjeb ir-relazzjonijiet u tiżviluppa sinerġiji, b’mod partikolari ma’ dawk il-pajjiżi tal-BRICS li ġenwinament jikkondividu u jirrispettaw il-valuri demokratiċi u li jagħmlu ħilithom għal ekonomija tas-suq soċjali;

4.

Jemmen, li bl-emerġenza ta' poteri ekonomiċi u ta' politika barranija ġodda, l-UE mhux se ssofri minn tnaqqis tal-infuwenza tagħha, iżda ser ikollha rwol ewlieni xi twettaq fil-promozzjoni ta' għarfien komuni fuq għażliet ta' politika u għalhekk għandha tkun minn ta' quddiem fit-trattament ta' sfidi globali; hu tal-fehma li l-UE u s-sħab trans-Atlantiċi tagħha għandhom jiffukaw fuq il-kisba ta' ekonomiji ta' skala meħtieġa u fuq l-iżvilupp ta' sforzi komuni li jħalluhom jikkomunikaw b'mod kostruttiv u effikaċi kemm b'mod bilaterali u multilaterali, u bi spirtu ta' sħubija vera u kooperazzjoni tajba; jinnota l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema ta’ governanza globali inklussiva bbażata fuq il-kooperazzjoni u l-koordinament mal-BRICS u ma’ pajjiżi emerġenti oħrajn, kif xieraq, għall-benefiċċju ta' kulħadd; jindika wkoll ir-rwol ewlieni tal-UE u s-sħab trans-Atlantiċi tagħha fil-promozzjoni ta’ sistema ta’ governanza globali inklussiva bħal din; jenfasizza li l-UE għandha taġixxi b'mod aktar strateġiku biex il-piż veru tal-Ewropa jkollu influwenza fil-livell internazzjonali b'mod partikolari billi ġġesti l-implikazzjonijiet ta’ interdipendenza, tinstiga riformi ta’ governanza globali, u timmobilizza azzjoni kollettiva f’oqsma bħall-istat tad-dritt, ambjent sostenibbli, sigurtà reġjonali, permezz ta’ interazzjoni kostruttiva mal-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn;

5.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett ta’ sħubiji strateġiċi bilaterali u jħeġġeġ lill-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iħaddmuh; iqis li sħubiji strateġiċi huma għodda inkoraġġanti u potenzjalment trasformattivi fl-organizzazzjoni u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ atturi ewlenin fix-xena globali, inklużi l-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn; jirrakkomanda li dan l-istrument jintuża mill-UE biex jiġu segwiti aġendi multilaterali kif ukoll bilaterali u biex jiġu żviluppati rabtiet sinifikanti bejn it-tnejn; jenfasizza li l-koerenza interna hija vitali biex l-UE taġixxi u tkun meqjusa bħala interlokutur strateġiku genwin għall-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn;

6.

Jinnota li fil-passat il-BRICS dehru li, f'ċerti okkażjonijiet, dawn ikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU f'termini ta' politika barranija, b'mod partikolari fil-bidu tal-kriżi fil-Libja u fis-Sirja, kif ukoll billi ddeferixxew il-votazzjoni dwar ir-rwol tal-UE fl-AĠNU u billi kkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-Côte d’Ivoire u s-Sudan; jinnota f'dan ir-rigward li l-BRICS jistgħu jidhru li qegħdin jisfidaw is-sistema attwali ta’ governanza internazzjonali, iżda li d-djalogu demokratiku, l-impenn politiku, anki fuq bażi individwali, u s-sħubiji reali jistgħu jippromwovu sinerġiji pożittivi u jiffaċilitaw sistema inklussiva ġdida ta’ governanza globali; jemmen li, għaldaqstant, l-UE għandha tagħti kunsiderazzjoni lis-setgħa l-ġdida tal-BRICS u ta’ setgħat emerġenti oħrajn, f’termini politiċi u ekonomiċi, billi din tista’ twassal għal riforma ordnata tal-governanza globali, abbażi ta' pjattaforma ta' konverġenza, mingħajr effetti destabbilizzanti;

7.

Jinnota li l-BRICS urew kapaċità għall-integrazzjoni reġjonali u għalhekk il-kapaċità li jimpenjaw ruħhom f’sistemi ta’ governanza multipolari; jemmen li dan juri aktar l-interess potenzjali tal-BRICS biex jikkontribwixxu fil-governanza globali; għalhekk hu tal-fehma li l-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-oħrajn jinsabu fil-proċess li jiddefinixxu d-direzzjoni strateġika tagħhom fit-termini ta’ politika barranija u b’hekk isiru sħab tas-setgħat emerġenti u sostenituri ta’ sistema ta’ governanza globali bbażata fuq il-valuri universali, is-sħubija u l-inklużjoni;

8.

Jemmen li, fid-dawl tal-interessi u l-iskala fil-qasam politiku u ekonomiku, ir-rwol u l-aspirazzjonijiet reġjonali, il-BRICS jistgħu jippruvaw jaġixxu bħala grupp f’termini ta’ politika barranija, iżda jirrikonoxxi li d-dimensjonijiet individwali huma rilevanti wkoll. Iqis, f'dan il-mument, li barra l-iffukar fuq il-BRICS bħala blokk ta' Stati potenzjalment magħqud f'termini ta' politika barranija, l-UE għandha tiffoka wkoll fuq kull pajjiż tal-BRICS b’mod individwali, filwaqt li żżomm approċċ sistematiku u koordinat; huwa tal-fehma, f’dan ir-rigward, li tali approċċ se jippermetti lill-UE tibni ekonomiji ta’ skala permezz ta’ sħubiji mal-BRICS individwali, timmassimizza l-interessi u r-rwol tagħha f’diversi reġjuni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ ordni multipolari b’bilanċ politiku u ekonomiku bejn ekonomiji li emerġew u dawk emerġenti abbażi ta’ sistema inklussiva mibnija fuq id-djalogu, is-sħubija u s-sħubiji bilaterali jew multilaterali;

9.

Jemmen barra minn hekk li d-diverġenzi konsiderevoli fis-sistemi politiċi u ekonomiċi, ix-xejriet demografiċi u soċjali, u l-perspettivi tal-politika barranija tal-BRICS, li għandha tipprovdi informazzjoni, u tiġi riflessa f’politika kemmxejn differenti tal-UE lejn dawn il-pajjiżi, immirata lejn il-ħolqien ta' sinerġiji mal-pajjiżi BRICS individwali u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn u li tiskoraġġixxi l-ħolqien jew il-konsolidazzjoni ta' gruppi ta' Stati alternattivi potenzjalment magħqudin f'termini ta' politika barranija; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex f’dan il-kuntest jiskoraġġixxu l-protezzjoni tal-kompetizzjoni strateġika bejn il-blokki tas-setgħat li emerġew u dawk emerġenti, rispettivament; jargumenta li, sabiex jiġu promossi l-azzjoni kollettiva internazzjonali u r-riforma tal-governanza globali, l-UE għandha tinfluwenza medda vasta ta’ interazzjonijiet bilaterali, multilaterali u mhux statali, u ġġib flimkien koalizzjonijiet bejn il-pajjiżi li emerġew u dawk emerġenti;

10.

Jemmen li l-UE trid tifformula l-pożizzjoni tagħha rigward relazzjoni iktar mill-qrib mal-BRICS, anke meta wieħed iqis li l-viżjoni tal-UE u dik tal-pajjiżi BRICS rigward impenji li jorbtu u reġimi istituzzjonalizzati jista’ jkun li mhux neċessarjament se tkun dejjem l-istess; jemmen ukoll li l-appoġġ mill-pajjiżi BRICS għal multilateraliżmu effettiv jista' jinkiseb bi skambju għal rappreżentanza iktar b'saħħitha f'istituzzjonijiet internazzjonali rilevanti; jinsisti li l-isfidi kkawżati mill-qawmien tal-BRICS għandhom jitqiesu bħala opportunità iktar milli problema;

11.

Hu tal-fehma li r-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-BRICS għandhom ikunu mibnija fuq djalogi bilaterali li jiffukaw fuq id-demokratizzazzjoni, u t-trawwim iktar mifrux tagħha, u tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, governanza tajba, konverġenza regolatorja, koordinament ta’ pożizzjonijiet komuni f’fora internazzjonali u relazzjonijiet imsaħħa mal-UE;

12.

Jenfasizza l-importanza tal-Brażil bħala setgħa ewlenija tal-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali MERCOSUR; jilqa’ b’sodisfazzjon il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ta’ Sħubija Strateġika mġedda bejn l-UE u l-Brażil 2012-2014 u l-impenji reċiproċi li saru fl-oqsma tal-promozzjoni tad-demokrazija u r-riformi tas-sistema multilaterali tal-governanza; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jonoraw l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu għar-riforma tal-istruttura finanzjarja tad-dinja; ifakkar fl-offerta li għamel il-President Rousseff rigward l-appoġġ għall-UE biex tingħeleb il-kriżi tad-dejn sovran, u jirrikonoxxi l-interrelazzjoni ta’ bejniethom it-tnejn; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal konklużjoni bilanċjata u ġusta tal-Aġenda ta’ Doha dwar l-Iżvilupp u l-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l- MERCOSUR, li se tkun l-aktar ftehima ta’ assoċjazzjoni importanti li qatt ġiet iffirmata mill-UE, li tinkludi 750 miljun persuna u b'valur kummerċjali ta' USD 125 biljun dollaru fis-sena; jieħu nota tat-talba tal-Brażil biex ikollu liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta f’dan ir-rigward;

13.

Jenfasizza r-rwol indispensabbli tas-sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa, għat-tisħiħ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku, għall-preservazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija, u għall-indirizzar tal-isfidi transnazzjonali; iqis, li fuq terminu twil ta’ żmien, il-qawmien tas-setgħat Asjatiċi aktarx se jiffaċilita aktar l-allinjament tal-interessi u l-kooperazzjoni strateġika iktar mill-qrib bejn l-UE u r-Russja; jemmen li tali kooperazzjoni hija vitali għall-progress dwar kwistjonijiet ta’ importanza globali, bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima jew l-immigrazzjoni illegali;

14.

Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja; iqis li, fil-kriżi ekonomika globali attwali, kwistjonijiet bħall-kriżi soċjali, it-tibdil fil-klima, il-flussi ta’ immigrazzjoni u s-sigurtà globali għandhom jiġu indirizzati fi sħubija aktar komprensiva bejn l-Indja u l-UE; jinnota wkoll li n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles qegħdin isaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja: iqis, madankollu, li din ir-relazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal kwistjonijiet kummerċjali; jilqa' l-ħolqien mill-ġdid ta' raggruppament kontraparti għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Indja, b'segwitu tal-esperjenza tal-Grupp ta' Ħbiberija bejn l-Indja u l-Ewropa, li kien jeżisti fil-Parlament Indjan qabel l-elezzjonijiet tal-2009;

15.

Jenfasizza l-importanza taċ-Ċina bħala setgħa ekonomika kbira u jenfasizza r-rwol essenzjali tagħha fl-irkupru tal-ekonomija globali; ifakkar, f’dan ir-rigward, dwar il-ħtieġa li ċ-Ċina tissodisfa l-obbligi tagħha miftiehma mad-WTO, għaxar snin wara l-adeżjoni tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha u liċ-Ċina biex jindirizzaw sfidi u theddidiet komuni għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni mtejba dwar soluzzjoni diplomatika għall-kriżi nukleari tal-Iran; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jippromwovu kummerċ aktar ibbilanċjat bejniethom, l-aktar billi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehim ġdid għal sħubija u kooperazzjoni, sabiex dan il-qafas jissodisfa l-potenzjal tas-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina;

16.

Jenfasizza n-natura strateġika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat pożittiv tar-raba’ samit ta’ Settembru 2011 bejn l-UE u l-Afrika, b’mod partikolari l-konverġenza ta’ opinjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-Libja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Afrika t’Isfel biex jikkonkludu, malajr kemm jista’ jkun, in-negozjati dwar Ftehim Ekonomiku u ta’ Sħubija ġdid; jargumenta li l-Afrika t’Isfel, meta wieħed iqis ir-rekord tagħha tat-tranżizzjoni għad-demokrazija, liema tranżizzjoni kienet ta’ suċċess u paċifika, u r-rwol tagħha bħala setgħa reġjonali, tista’ tkun forza kbira li tippromwovi d-demokrazija u l-governanza tajba, trawwem integrazzjoni ekonomika reġjonali, u tappoġġja rikonċiljazzjoni nazzjonali madwar l-Afrika kollha, u sieħeb ewlieni għall-UE f’dawn l-isforzi; jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u r-riformi ta’ istituzzjonijiet internazzjonali;

17.

Jemmen li fid-dawl tar-rilevanza dejjem akbar tal-BRICS u ta’ setgħat emerġenti oħrajn u tas-sistema ta’ governanza globali multipolari li qed tissawwar, il-G20 hu l-forum adegwat għall-bini ta’ kunsens u għal proċess ta’ bini ta' kunsens, ta' teħid ta’ deċiżjonijiet inklussiv, ibbażat fuq sħubija u li jkun kapaċi jippromwovi l-konverġenza, inkluża l-konverġenza regolatorja; hu tal-fehma li minkejja r-rilevanza akbar tal-G-20, il-G-7 għad għandu rwol ewlieni bħala forum konsultattiv, ta’ koordinament u ta’ bini ta’ kunsens għas-setgħat stabbiliti bil-għan li jinħoloq djalogu mal-BRICS u ma’ setgħat emerġenti oħrajn, u dan qabel il-laqgħat tal-G-20; iqis li l-fatt li jeżisti l-G-8 għandu jintuża wkoll fit-tentattiv biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet mar-Russja bl-għan li jiġu affrontati l-isfidi b’mod ikkoordinat u effikaċi; jappoġġja d-dimensjoni parlamentari tal-G-20 u jemmen li din għandha tissaħħaħ aktar u għandha tinkludi l-proċessi għat-teħid ta' deċiżjoni biex ikun żgurat djalogu u skrutinju demokratiku msaħħaħ; jappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ forum konsultattiv parallel tal-G-20 li jgħaqqad organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti ewlenin tas-soċjetà ċivili u tan-negozju mill-Istati tal-G-20;

18.

Jemmen li l-kriżi attwali tad-dejn sovran ser tirrappreżenta prova ewlenija għall-G-20 bħala forum effikaċi għal djalogu politiku strutturat li jkun kapaċi jippromwovi sistema ta' governanza ekonomika u finanzjarja realment globali li tirrifletti l-interdipendenza bejn l-ekonomiji żviluppati u dawk emerġenti, billi jinħolqu s-sisien għat-tneħħija ta' żbilanċi sistematiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara partikolari kemm għall-ekonomiji żviluppati kif ukoll għall-ekonomiji emerġenti fuq perjodu twil ta' żmien, u l-promozzjoni tas-solidarjetà fil-fora finanzjarji internazzjonali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali;

19.

Jitlob lill-UE ttejjeb id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni mal-BRICS biex tmexxi ’l quddiem ir-riforma tal-istituzzjonijiet ta’ governanza dinjija fis-settur finanzjarju u dak ekonomiku, jiġifieri l-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods, bl-għan li tkun żgurata rappreżentanza wiesgħa tal-pajjiżi membri kollha filwaqt li jiġu riflessi l-bidliet fis-saħħa ekonomika;

20.

Iqis li s-setgħat li emerġew għandhom jappoġġjaw organizzazzjonijiet reġjonali li jinkludu l-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-oħrajn, bħall-ASEAN jew il-Mercosur, inklużi l-proċessi ta’ bini istituzzjonali u ta’ bini tal-kapaċità tagħhom, u li għandhom jiżguraw preżenza diplomatika ta’ livell għoli fil-laqgħat ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn;

21.

Jinnota li minkejja r-rilevanza globali u reġjonali akbar taċ-Ċina, l-Indja u ta' pajjiżi emerġenti oħrajn fl-Asja, kemm l-Istati Uniti tal-Amerika kif ukoll l-UE jistgħu jċaqalqu b’mod progressiv l-attenzjoni primarja tagħhom, l-investiment politiku u r-riżorsi lejn il-Paċifiku u b’hekk iqisu d-dimensjoni tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-kooperazzjoni reċiproka bħala anqas importanti strateġikament; jinnota barra minn hekk, li l-Asja għandu jkollha rwol aktar importanti fuq l-aġenda barranija tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE; appella għal aktar koordinament bejn il-politiki tal-Istati Uniti u tal-UE fir-rigward taċ-Ċina u ta’ pajjiżi emerġenti oħrajn fl-Asja sabiex jiġu evitati diverġenzi ta' dawn il-politiki; jemmen bil-qawwa li hu biss bil-koordinament tal-isforzi tagħhom li l-Istati Uniti tal-Amerika u l-UE jistgħu jiksbu s-sinerġiji politiċi biex jidħlu għal djalogu effikaċi, pożittiv u kostruttiv mal-BRICS u ma' pajjiżi emerġenti oħrajn; hu tal-fehma, li mingħajr preġudizzju għall-G-7, samits regolari bejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom joffru l-opportunità li jiġu identifikati objettivi komuni u strateġiji kkoordinati dwar kwistjonijiet ta' rilevanza globali, inkluż dwar governanza ekonomika, sabiex jintlaħaq ftehim dwar approċċ komuni rigward is-setgħat emerġenti; ifakkar li r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi huma tal-akbar importanza kemm ekonomikament kif ukoll politikament u jenfasizza r-relazzjoni ekonomika b'saħħitha u reċiproka bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-UE; iqis li l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u d-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi jistgħu wkoll joffru opportunità ta’ djalogu u evalwazzjoni u għaldaqstant għandhom jinkludu riflessjoni dwar impenn strateġiku mill-UE u l-Istati Uniti tal-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn rilevanti u dwar kif titrawwem konverġenza regolatorja ma’ tali pajjiżi; ifakkar il-ħtieġa għall-ħolqien ta' Kunsill Politiku Trans-Atlantiku bħala korp ad hoc ta' konsultazzjoni u koordinament ta' livell għoli dwar il-politika barranija u ta' sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti;

22.

Jenfasizza li għal kwistjonijiet ta’ natura globali jew marbuta mal-governanza globali hija l-UE li, aktar mill-Istati Membri tagħha, li għandha tkun l-interlokutur tas-setgħat li emerġew, tal-BRICS u ta’ pajjiżi emerġenti oħrajn; jemmen li, bil-għan li tinkiseb pożizzjoni ta’ politika koerenti rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn, tkun ta’ importanza fundamentali li l-Istati Membri janalizzaw ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom bi trasparenza massima u jżommu f’moħħhom l-impatt potenzjali ta’ tali relazzjonijiet dwar il-politiki u l-pożizzjoni tal-UE; jemmen li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tikseb aktar koeżjoni u tkabbir politiku u ekonomiku sabiex iżżomm l-influwenza politika u rwol ewlieni fis-sistema multipolari li qed tissawwar u biex tiġi meqjusa bħala kontraparti meħtieġa mill-BRICS u l-pajjiżi emerġenti l-ġodda, u siewja għalihom;

23.

Jenfasizza l-importanza li l-koordinament globali tal-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħrajn għandha tkun żgurata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni bi qbil mal-Artikoli 18(4) u 21(3) TUE; jemmen li l-UE għandha tistinka biex, b’koordinament mar-Rappreżentant Għoli, toħloq rabta aħjar bejn il-politika barranija u tas-sigurtà mal-politiki settorjali tal-UE, bħall-iżvilupp, is-sigurtà tal-enerġija, il-kummerċ, l-aċċess għall-materja prima u għall-elementi naturali rari, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni, bil-għan li jiġu vvalorizzati s-sinerġiji u li tkun żgurata politika barranija koerenti u sistematika li l-għan tagħha jkun ir-rispett universali tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza demokratika; iqis li l-kunċett ta’ “sħab strateġiċi” tal-UE għandu jitjieb aktar u għandu jiġi implimentat aħjar biex jirrifletti dawn l-objettivi fundamentali; jindika f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-COP 17 għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal sforz koerenti u koordinat mal-BRICS biex jintlaħaq ftehim progressiv;

24.

Hu tal-fehma li approċċ ta' politika barranija koerenti fil-livell tal-UE tfisser ukoll koordinament imsaħħaħ bejn il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-aġendi tal-G-7, tal-G-8 u tal-G-20;

25.

Jinnota li l-UE għandu jkollha l-kapaċità li taġġusta u tirriforma l-istrutturi ta’ governanza interna tagħha sabiex tiżgura proċess għat-teħid ta’ deċiżjoni li jirrifletti l-pluralità tagħha u li jiġġenera l-kunsens; jenfasizza l-importanza li approċċ ta’ politika barranija koerenti fil-livell tal-UE rigward il-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn għandu jkun rifless fl-organizzazzjoni tas-SEAE; jemmen li s-SEAE għandha tirrevedi u ssaħħaħ is-sħubiji strateġiċi mal-pajjiżi individwali tal-BRICS, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, billi tisfrutta l-partikolaritajiet u l-potenzjal għal sinerġiji u kooperazzjoni mal-UE; iħeġġeġ lis-SEAE biex tfassal mekkaniżmi ta’ koordinament orizzontali u vertikali li jkunu jistgħu jgħinu l-politika barranija tal-UE tibbenefika minn sinerġiji istituzzjonali tal-UE u mid-densità u l-profondità tar-rabtiet bilaterali tal-Istati Membri mas-sħab strateġiċi, inklużi l-BRICS u s-setgħat emerġenti l-oħrajn; hu tal-fehma li fir-rigward tal-BRICS, flimkien mal-organizzazzjoni abbażi ta’ argumenti ġeografiċi u tematiċi, is-SEAE għandha toħloq mekkaniżmu ta’ koordinament ad hoc li jiżgura li kull politika individwali rigward il-BRICS tkun kompatibbli sistematikament u li l-linji ta’ politika adottati jiġu riflessi fid-djalogu tal-UE mas-setgħat li emerġew bħall-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Ġappun; jemmen li d-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS u f’pajjiżi emerġenti rilevanti oħrajn, għandhom jaħdmu aktar id f’id sabiex jiżguraw monitoraġġ u analiżi kontinwa tar-relazzjonijiet bejn il-BRICS u dwar kwistjonijiet sensittivi rilevanti komuni, biex b’hekk jitwettaq approċċ aktar sistematiku; hu tal-fehma f'dan ir-rigward li d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS għandhom janalizzaw il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi tal-BRICS dwar il-governanza u l-isfidi globali u dwar ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi oħrajn tal-BRICS; jemmen li l-UE għandha tiffoka l-isforzi mġedda u r-riżorsi tagħha għat-tmexxija tal-proċess tar-riforma ta’ sistema ta’ governanza globali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tiżgura bini ta’ kunsens u proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aktar inklussiv fil-livell globali, b’mod partikolari r-riforma tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u l-multilateraliżmu finanzjarju globali;

26.

Jemmen li l-“multilateraliżmu effettiv” u koordinament akbar fil-fora multilaterali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-governanza dinjija għandhom jibqgħu l-qalba ta' sħubija msaħħa mal-pajjiżi BRICS; jirrakkomanda b’mod partikolari, lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex tinvolvi lil dawk il-pajjiżi f’dan ir-rigward;

27.

Jemmen li l-Parlament għandu jipparteċipa fis-samits bilaterali bejn l-UE u s-sħab strateġiċi tagħha;

28.

Jemmen li l-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-BRICS għandu jinkludi uffiċjali ta’ kollegament tal-Parlament sabiex jippromwovu għarfien akbar tad-dimensjoni parlamentari nazzjonali f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi biex jippromwovu kooperazzjoni u djalogu aktar mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fuq bażi bilaterali u biex jippromwovu responsabilità aktar demokratika rigward il-proċessi għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-fora internazzjonali bħall-G-8 u l-G-20; jemmen li flimkien mad-delegazzjonijiet eżistenti għar-relazzjonijiet mar-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel rispettivament, għandha tiġi kkunsidrata wkoll delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Brażil;

29.

Jemmen li bil-għan li jiġi żgurat skrutinju demokratiku effettiv tal-politika tal-UE rigward il-BRICS u pajjiżi emerġenti oħrajn u sabiex jiġi ffaċilitat djalogu interparlamentari msaħħaħ ma’ dawn il-pajjiżi, il-persunal rilevanti tal-Parlament għandu jiżviluppa kompetenza speċjalizzata u għalhekk għandu jkollu għodod analitiċi adegwati u kapaċità ta’ monitoraġġ u għandu jkun kapaċi li jassisti lill-Membri fil-promozzjoni ta’ djalogu effettiv; jemmen ukoll li sistema ta’ skambju ta’ persunal bejn il-Parlament u s-SEAE għandha tiġi stabbilita biex timmassimizza s-sinerġiji, id-djalogu u l-kooperazzjoni interistituzzjonali u biex tippromwovi l-iskambju tal-għarfien espert;

30.

Jenfasizza li kwalunkwe profondiment tar-relazzjonijiet u tisħiħ tal-kooperazzjoni politika mal-BRICS fil-livell tal-gvern għandu jiġi kkumplimentat bi djalogu sostnut bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lid-delegazzjonijiet tas-SEAE u tal-UE biex dwar dan joħolqu qafas sabiex jiġu ffaċilitati u mtejba l-kuntatti bejn poplu u ieħor u l-iskambji kulturali u akkademiċi bbażati fuq programmi eżistenti u ad hoc bil-għan li jitjieb il-fehim reċiproku u jiġu żviluppati azzjonijiet u inizjattivi komuni;

31.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu politiku mal-pajjiżi BRICS dwar l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; ifakkar f'dan ir-rigward li l-osservanza tal-istandards tax-xogħol ewlieni (CLS) u l-aġenda tal-ILO dwar xogħol deċenti huma essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs, peress li permezz tal-fatt li jiggarantixxu stabilità soċjopolitika u jgħollu l-livell tal-ħiliet tal-forza ta' ħidma tal-pajjiż, dawn għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tiegħu;

32.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija dwar “Baġit għall-Ewropa 2020” li tfassal proposta għall-ħolqien ta’ strumenti u programmi finanzjarji skont il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 li jmiss; jenfasizza li l-istrument ta’ sħubija l-ġdid immirat lejn l-appoġġ tal-interessi politiċi u ekonomiċi tal-UE fil-bqija tad-dinja u inklużi l-attivitajiet mhux eliġibbli għall-ODA, għandu jkun strument ta’ politika barranija; jemmen li dan l-istrument ta’ sħubija jista’ jgħin biex isaħħaħ rabtiet politiċi aktar qawwija u b’hekk rabtiet ekonomiċi aktar qawwija ma’ pajjiżi partikolari, u jilqa’ l-promozzjoni ta’ konverġenza regulatorja bħala wieħed mill-għanijiet tiegħu; jemmen ukoll li l-Istrument ta’ Sħubija għandu jinkludi linji ta’ finanzjament għad-diplomazija pubblika bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżi individwali mal-UE u li jitrawwem sens ta’ appoġġ, sħubija u lealtà; huwa tal-fehma, madankollu, li linji ta’ finanzjament addizzjonali li jappoġġjaw id-demokratizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, edukazzjoni aħjar u t-tnaqqis ta’ differenzi soċjali għandhom ukoll ikunu previsti; jemmen li t-tfassil ta’ strumenti u programmi finanzjarji ġodda għandu jagħti rilevanza partikolari għal linji ta’ finanzjament ad hoc għall-appoġġ ta’ setgħat emerġenti u dawk potenzjalment emerġenti fit-tisħiħ tal-istrutturi demokratiċi u fl-iżvilupp ta’ governanza tajba u l-istat tad-dritt, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sistemi edukattivi tajbin u inklużjoni soċjali progressiva; jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni għall-inklużjoni tal-prinċipju ta’ kundizzjonalità fil-programmi u l-istrumenti kollha tal-UE u jemmen li dan hu essenzjali biex jinkiseb appoġġ akbar għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u ta’ governanza tajba universalment;

33.

Jistieden lill-pajjiżi BRICS jieħdu rwol fil-politika għall-iżvilupp internazzjonali li jkun jirrifletti aħjar is-sehem tagħhom fil-PDG globali;

34.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u jieħdu sehem fi proġetti ta’ kooperazzjoni trijangolari li jkunu qed jipparteċipaw fihom il-BRICS;

35.

Iqis li huwa mill-aktar importanti li tiġi mħeġġa aktar kooperazzjoni tal-UE mal-BRICS u l-ekonomiji emerġenti l-oħrajn fis-sistema tal-governanza globali u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jidħlu fi djalogu strateġiku mal-BRICS dwar l-għażliet ta’ riformi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; iqis li għandha tiżdied riflessjoni fil-livell tal-UE dwar kif jiġu mmassimizzati r-rwol, il-vuċi u s-setgħa tal-votazzjoni tal-UE f’fora internazzjonali u kif jinkiseb koordinament aktar razzjonalizzat fost l-Istati Membri tal-UE f’tali fora u b’hekk pożizzjoni aktar koeżiva bil-għan li jkun hemm djalogu, sħubija u kooperazzjoni pożittivi mal-BRICS;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Presidenza Polakka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni u lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.


(1)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(2)  ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 51.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0121.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0255.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0364.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0334.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/11


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi

P7_TA(2012)0018

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-2 ta' Frar 2012 dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE (2011/2187(INI))

2013/C 239 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE, dwar politika konsistenti fil-konfront ta' reġimi awtoritarji, li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta dawn jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-fruntieri tal-UE (B7-0235/2011),

wara li kkunsidra l-Karta tan-NU u speċifikament l-Artikoli 1 u 25 u, fil-Kapitolu VII, l-Artikoli 39 u 41 tagħha,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u ż-żewġ protokolli fakultattivi tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1674 tal-KSNU tat-28 ta’ April 2006 li tafferma mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tad-Dokument Finali tas-Samit Dinji 2005 rigward ir-responsabilità għall-protezzjoni tal-popolazzjonijiet mill-ġenoċidju, mid-delitti tal-gwerra, mit-tindif etniku u mid-delitti kontra l-umanità,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) intitolata 'Ewropa Sikura f'Dinja Aħjar', adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan u 1371 (2001) dwar is-sitwazzjoni f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU),

wara li kkunsidra l-Artikoli 21(2), 22 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (1),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'L-istabbiliment ta' formazzjoni għas-sanzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Barranin (RELEX/Sanzjonijiet)' tat-22 ta' Jannar 2004 (5603/2004),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'Prinċipji Bażiċi dwar l-Użu ta' Miżuri Restrittivi (Sanzjonijiet)' tas-7 ta' Ġunju 2004 (10198/1/2004);

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Yusuf u Al Barakaat International Foundation v. il-Kunsill u l-Kummissjoni (Ġabra 11-3533 (2005)),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska (2),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'L-Aħjar Prattiki tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri restrittivi' tad-9 ta' Lulju 2007 (11679/2007),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK' tal-21 ta' Lulju 2007 (10826/1/2007),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'Aġġornament tal-Aħjar Prattiki tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri restrittivi' tal-24 ta' April 2008 (08666/1/2008),

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/67/PESK tas-26 ta' Jannar 2009 li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2008/586/PESK (3),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill bit-titolu 'Linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE', li kien rivedut l-aħħar fil-15 ta' Diċembru 2009 (17464/2009),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE bħala parti mill-azzjonijiet u l-politiki tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (5),

wara li kkunsidra r-riżorsi tal-politika barranija tal-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0007/2012),

Osservazzjonijiet ġenerali dwar l-approċċ tal-UE lejn mexxejja awtoritarji

A.

billi l-Artikolu 21 l-ġdid tat-TUE, kif introdott mill-Artikolu 1(24) tat-Trattat ta' Lisbona, jirrikonoxxi li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun gwidata mid-'demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali';

B.

billi s-sanzjonijiet huma applikati bl-għan tar-realizzazzjoni tal-għanijiet tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE li jinkludu l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-konsolidament tad-demokrazija u l-governanza tajba;

C.

billi, fil-kuntest tal-PESK, is-sanzjonijiet jew il-miżuri restrittivi jitqiesu bħala miżuri ta' koerċizzjoni mingħajr l-użu tal-forza, bħall-embargos fuq l-armi, sanzjonijiet kummerċjali, sanzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi, l-iffriżar ta' assi, projbizzjoni tat-titjiriet, restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni, sanzjonijiet diplomatiċi, bojkotts ta' avvenimenti sportivi u kulturali u sospensjoni tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

D.

billi l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri restrittivi tkun effikaċi biss meta din tkun tifforma parti minn strateġija koeżiva u komprensiva tal-UE u l-Istati Membri dwar id-drittijiet tal-bniedem;

E.

billi s-'sanzjonijiet immirati' jeżistu fil-forma ta' sanzjonijiet personali, miżuri diplomatiċi u miżuri ekonomiċi selettivi, bħalma huma l-projbizzjonijiet ta' viża, l-iffriżar tal-assi, l-embargos fuq l-esportazzjoni jew l-importazzjoni ta' prodotti bażiċi speċifiċi, il-projbizzjonijiet tat-titjiriet, il-projbizzjonijiet fuq l-investimenti jew limitu fuq il-kuntatti uffiċjali;

F.

billi n-nuqqas ta' qbil fost l-Istati Membri spiss iwassal għal applikazzjoni inkonsistenti ta' miżuri restrittivi li tagħmel ħsara lill-kredibilità tal-UE u tippreġudika l-effiċjenza ta' dawk il-miżuri,

G.

billi, l-UE ta' sikwit applikat il-politika ta' sanzjonijiet tagħha b'mod inkonsistenti billi ttrattat b'mod differenti pajjiżi terzi li fir-realtà għandhom qagħda simili rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u b'hekk tat lok għal kritika minħabba li qiegħda tapplika standards doppji;

H.

billi l-progress fit-teknoloġija tal-informazzjoni jagħmel il-fruntieri nazzjonali dejjem iktar irrilevanti u b'hekk, f'dinja globalizzata, tonqos il-kapaċità li pajjiż jew il-klassi privileġġata tiegħu jiġu iżolati,

I.

billi fil-maġġoranza tal-pajjiżi suġġetti għal sanzjonijiet huma wkoll dawk li baqgħu l-iktar iżolati mis-sistema internazzjonali u huma dawk li s-soċjetajiet tagħhom kieku jibbenefikaw l-iżjed minn espożizzjoni internazzjonali ikbar bl-għan li jkun hemm bidla, billi minkejja dan f'ċerti każijiet il-miżuri restrittivi, b'mod partikolari kontra ċerti individwi jista' jkollhom effetti dissważivi u psikoloġiċi;

J.

billi d-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet mill-UE għandhom jittieħdu biss wara valutazzjoni bir-reqqa dwar il-mod l-iktar effiċjenti biex tinkiseb bidla demokratika fil-pajjiż; billi kull deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b'ġustifikazzjoni korrispondenti;

K.

billi l-Unjoni Ewropea għal ħafna mexxejja awtoritarji, u persuni assoċjati magħhom, tirrappreżenta sors ta' attrazzjoni għall-investiment, il-proprjetà u s-servizzi bankarji kif ukoll is-servizzi sanitarji u bħala żona li fiha jgawdu l-libertà li jivvjaġġaw u l-libertà li jonfqu l-ġid tagħhom li ta' sikwit ikun ġie akkwistat b'mod dubjuż;

L.

billi l-opportunità għall-mexxejja awtoritarji li jikkonvertu s-setgħa f'ġid personali, spiss inkluż permezz tal-approprjazzjoni indebita jew kontroll personali tal-assi statali, tirrappreżenta inċentiv biex jibqgħu fil-poter u tqawwi l-kapaċità tagħhom li jużurpaw u jkomplu jkunu fil-poter; billi huma meħtieġa studji ulterjuri sabiex tiġi minimizzata kwalunkwe relazzjoni bejn l-għajnuna barranija għall-iżvilupp jew għal skopijiet oħra u l-arrikkiment tal-mexxejja awtoritarji u l-eqreb ċirku tagħhom;

M.

billi, mingħajr azzjoni mifthiema, diffiċli tinkiseb informazzjoni preċiża dwar l-assi tal-mexxejja awtoritarji miżmuma fl-UE, u l-UE għandha tinsisti biex tipprova tikseb tali informazzjoni;

N.

billi mexxejja suġġetti għal sanzjonijiet ikunu milquta jekk jiġu personalment suġġetti għal pressjoni fil-forma ta' limitazzjonijiet fuq il-ħila tagħhom li jittrasferixxu flus, jinvestu u jaċċessaw l-assi finanzjarji tagħhom, restrizzjonijiet fuq il-prospetti għall-ivvjaġġar, u limitazzjonijiet fuq l-aċċess għal prodotti u servizzi partikolari jew fuq ir-rappreżentanza diplomatika;

O.

billi l-multipliċità tal-atturi internazzjonali u reġjonali tirrikjedi djalogu u mekkaniżmi formali u informali għal konsultazzjoni bejn dawk l-atturi;

P.

billi aspett essenzjali ta' politika effikaċi fil-konfront ta' reġimi awtoritarji jrid jibbilanċja d-diplomazija ta' koerċizzjoni, inklużi miżuri restrittivi b'komunikazzjoni ċara u għażliet kostruttivi li ma jinvolvux l-użu tal-forza, b'riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri fl-ambitu tal-politika barranija bi preferenza tingħata lil djalogu kritiku u progressiv fuq l-iżolament;

Q.

billi l-proċedura ta' rieżami, li fiha s-sanzjonijiet jistgħu jiħraxu, jittaffew jew jitneħħew b'reazzjoni għal bidliet fl-azzjonijiet tal-mexxejja mmirati, hija kruċjali sabiex il-miżuri restrittivi jkunu effikaċi, u għandha titmexxa b'mod rigoruż u strateġiku;

R.

billi kull miżura restrittiva għandha tikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali, id-dritt għal proċess ġust, il-proporzjonalità u d-dritt għal rimedju effettiv, u bl-ebda mod m'għandha tippenalizza l-faxex tal-popolazzjoni l-iktar vulnerabbli fil-pajjiżi milquta minn dawn il-miżuri;

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

Żvilupp ta' definizzjonijiet iktar ċari

(a)

biex ikunu żviluppati kriterji ċari għal meta l-miżuri restrittivi għandhom jiġu applikati, l-objettivi għal tali miżuri, il-forma ta' sanzjonijiet li għandha tiġi applikata, linji gwida għall-evalwazzjoni perjodika tagħhom u l-proċedura ta' rieżami li għandha tiġi segwita f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew; biex jiġu stabbiliti kriterji b'tali mod li jiżdiedu l-konsistenza u l-kredibilità tas-sanzjonijiet tal-UE, filwaqt li titħalla biżżejjed flessibilità fil-livell operattiv, sabiex l-Unjoni tkun tista' tisfrutta l-istrument bħala għodda effikaċi fl-ambitu tal-azzjoni esterna tagħha;

(b)

biex jiġu definiti b'mod ċar u espliċitu d-destinatarji tas-sanzjonijiet fil-każ ta' stati falluti jew atturi mhux statali, bil-konsapevolezza li ta' sikwit l-istrutturi ma jkunux ċari;

(c)

biex jiddaħħlu s-sanzjonijiet f'kuntest politiku aktar komprensiva, b'mod li jistabbilixxi l-objettivi speċifiċi fuq perjodu ta' żmien qasir u twil għal proċess ta' demokratizzazzjoni sostenibbli;

(d)

biex jiġi rikonoxxut li s-sanzjonijiet mhumiex għan fihom infushom u l-akkumpanjament tal-applikazzjoni tagħhom b'paramentri ta' riferiment ċari u fattibbli għat-tneħħija tas-sanzjonijiet;

(e)

biex jiġi sostnut sistematikament ix-xogħol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali billi jiżgura li l-proċeduri u s-sentenzi tal-qorti jitqiesu kif xieraq fl-ambitu tal-politika ta' sanzjonijiet tal-UE;

(f)

biex jitħeġġew l-Istati Membri tal-UE biex japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fit-trattament tal-impunità u d-delitti kontra l-umanità, sabiex titjieb is-sistema internazzjonali tal-ġustizzja kriminali;

Bini ta' politika effiċjenti fil-qasam tas-sanzjonijiet

(g)

biex isir impenn favur il-massimizzazzjoni tal-kollaborazzjoni u s-sinerġija fost is-27 Stat Membru, filwaqt li jħeġġiġhom jitkellmu b'vuċi unifikata u konsistenti dwar il-kwistjoni tal-kundanna ta' reġimi awtoritarji permezz ta' approċċ integrat u uniku tal-UE;

(h)

biex jiġi rikonoxxut li s-sanzjonijiet li ma jkunux ikkoordinati fuq livell internazzjonali jistgħu jkunu ineffiċjenti u kontroproduċenti għall-għanijiet iddikjarati tagħhom, jistgħu idgħajfu t-trasparenza, il-kredibilità u l-koerenza tal-politika Ewropea ta' sanzjonijiet u jistgħu jsaħħu r-reġim fil-mira jew inaqqsu l-marġni relattiv ta' negozjazzjoni u l-kredibilità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha mal-istat inkwistjoni; biex jiġu garantiti koordinament u skambju ta' informazzjoni aħjar fost l-Istati Membri permezz ta' proċeduri ċari;

(i)

biex jiġu implimentati r-reġimi ta' sanzjonijiet eżistenti b'rigorożità u konsistenza, filwaqt li jsir kull sforz biex tiġi evitata aplikazzjoni ta' standards doppji li jestendi l-ambitu sabiex jiġu inklużi każijiet ta' ksur tal-libertajiet fundamentali, u speċjalment tal-libertà reliġjuża u l-libertà ta' espressjoni; biex jiġi żgurat li l-pajjiżi li jappartjenu għaz-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi applikanti għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea japplikaw ukoll il-miżuri restrettivi u jagħmlu skambju ta' informazzjoni rilevanti mal-Unjoni;

(j)

biex jintużaw is-sanzjonijiet jew miżuri restrittivi mmirati lejn l-objettiv mixtieq u proporzjonali għalih, bil-għan li jinfluwenza biss il-klassijiet privileġġati responsabbli tar-reġimi repressivi jew kriminali u l-atturi mhux statali responsabbli tal-istati falluti billi jiġi minimizzat, kemm jista' jkun, l-impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet ċivili, speċjalment l-aktar vulnerabbli;

(k)

biex jiġi garantit li l-għajnuna barranija għall-iżvilupp jew għal skopijiet oħra ma tispiċċax inċentiv għall-arrikkiment ta' mexxejja awtoritarji u l-eqreb ċrieki tagħhom;

(l)

biex jiġi żgurat li, kull fejn ikun possibbli, il-politika ta' sanzjonijiet tkun applikata flimkien ma' appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-pajjiż ikkonċernat; biex jitjiebu l-kwalità u t-trasparenza tal-istadju ta' rappurtar, sabiex l-għajnuna mogħtija tkun tista' tiġi kkwantifikata b'mod preċiż u l-kontribut effettiv tagħha biex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili jiġu valutati b'mod preċiż;

(m)

biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda standard doppju meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar miżuri restrittivi jew sanzjonijiet u li dawn ikunu applikati indipendentement mill-interessi politiċi, ekonomiċi u ta' sigurtà;

(n)

biex jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi li jillimitaw l-attivitajiet tas-suq ta' kumpaniji Ewropej f'pajjiżi sottoposti għal sanzjonijiet ma jkunux ta' benefiċċju għal kompetituri minn pajjiżi terzi;

(o)

biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kif ukoll il-Kapijiet tal-Missjonijiet u d-Delegazzjonijiet tal-UE jkunu involuti mill-qrib mal-proċess tat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' miżuri restrittivi u l-konsegwenzi tagħhom fil-post billi jipprovdu kontribut għall-valutazzjoni tal-impatt u dan jagħmel il-preżenza tal-UE fil-post fundamentali; biex jiġi żgurat li l-informazzjoni rilevanti tgħaddi fil-ħin lill-Parlament Ewropew;

(p)

biex jiġi garantit li, fil-pajjiżi li fuqhom jiġu imposti miżuri restrittivi, l-atturi prinċipali li jkunu qed jaħdmu favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ikunu involuti mill-qrib fil-proċess tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-miżuri restrittivi;

(q)

biex l-istrutturi eżistenti fis-SEAE u l-Kummissjoni jiġu inkarigati jwettqu analiżi tas-sitwazzjoni bir-reqqa tal-istruttura ekonomika u tas-soċjetà tal-pajjiż ikkonċernat, qabel u wara l-adozzjoni ta' sanzjonijiet, filwaqt li jiġu eżaminati l-effetti diretti u indiretti tal-miżuri speċifiċi kollha fuq l-isferi politiċi u soċjoekonomiċi tas-soċjetà inkwistjoni, u jitqies ukoll l-impatt fuq il-klassijiet ekonomiċi privileġġati, il-gruppi tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni politika u anke l-elementi favur ir-riforma fi ħdan il-gvern;

(r)

biex it-taqsima Sanzjonijiet tar-RELEX tkun tista' taqdi l-mandat tagħha li tagħmel riċerka dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet u tiżviluppa l-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi, u tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati miksuba;

(s)

biex is-servizzi legali u s-servizzi rilevanti oħra tal-UE jkunu inkarigati jagħtu konsulenza lill-Kunsill dwar il-prekawzjonijiet meħtieġa biex jevitaw l-elużjoni tas-sanzjonijiet minn individwi elenkati;

(t)

biex is-SEAE u l-Kummissjoni jkunu inkarigati jadottaw approċċ iktar integrat li jaqsam l-esperjenza u l-għarfien fit-tfassil, l-implimentazzjoni u r-rieżami tas-sanzjonijiet;

(u)

biex il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu inkarigati jallokaw biżżejjed ħin u riżorsi, filwaqt li jimpjegaw esperti mgħarrfa dwar il-pajjiż u persunal li jispeċjalizza fid-drittijiet tal-bniedem għall-analiżijiet li jsiru qabel it-tfassil tas-sanzjonijiet fil-valutazzjoni tal-effikaċja tas-sanzjonijiet;

(v)

biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu mistiedna jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta' embargos fuq l-armi li huma kompetenza tal-Istati Membri;

(w)

biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu mistiedna jirrapportaw kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-isforzi ta' sanzjonijiet u l-effikaċja tagħhom;

(x)

biex Franza u r-Renju Uniti u kull membru tal-UE li jkun membru mhux permanenti tal-KSNU jitħeġġew li jużaw persważjoni suffiċjenti biex jiżguraw li r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU jiġu implimentati b'mod rigoruż u bir-reqqa;

(y)

biex jitqiesu, fejn ikun xieraq, l-attivazzjoni ta' kwalżoli ta' 'elementi essenzjali' fil-kummerċ bilaterali li jippermettu lill-UE timponi sanzjonijiet minħabba ksur ta' drittijiet tal-bniedem u prinċipji demokratiċi u tiġi segwita politika barranija Ewropea koerenti sabiex jiġu appoġġati l-miżuri mmirati kontra reġimi awtoritarji;

Impenn favur politika koerenti ġewwa l-fruntieri tal-UE

(z)

biex l-Istati Membri tal-UE jimpenjaw tuħhom biex jiddikjaraw meta l-persuni elenkati fil-lista ta' sanzjonijiet ikollhom assi materjali ġewwa l-fruntieri tagħhom, kif ukoll il-valur approssimattiv u l-post ta' dawn l-assi; biex jiġu mistiedna l-Istati Membri tal-UE jikkollaboraw fl-iskambju tal-informazzjoni rilevanti, pereżempju permezz tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi eżistenti kif ukoll permezz tan-Network tal-Interaġenziji Camden għall-Irkupru tal-Assi (CARIN); biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fl-identifikazzjoni u l-konfiska ta' dawk l-assi;

(aa)

biex l-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom jiżguraw l-applikazzjoni rigoruża ta' sanzjonijiet finanzjarji mmirati jew miżuri restrittivi bħal pereżempju:

bl-estensjoni tad-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex tapplika b'mod obbligatorju għat-tentattivi kollha biex jinfetħu kontijiet bankarji jew jiġu depożitati flus minn dittaturi ssanzjonati jew minn persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, minħabba li dawn il-flus huma r-rikavat ta' attività kriminali, serq u approprjazzjoni indebita, u bl-esplorazzjoni ta' għażliet għal mekkaniżmi preventivi oħra intiżi li jrażżnu d-dħul f'istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE ta' fondi statali jew assi detenuti indebitament;

bir-rifjut ta' self, it-tiħrix ta' miżuri mmirati għal ħlas lura ta' self u l-iffriżar ta' depożiti, sabiex jiġi żgurat li fil-prattika, il-miżuri jimpedixxu lil persuni u entitajiet deżinjati kull aċċess għas-servizzi finanzjarji fil-ġurisdizzjoni tal-UE;

(ab)

biex jiġi żgurat li l-miżuri restrittivi ekonomiċi u finanzjarji, inklużi s-sanzjonijiet finanzjarji mmirati, jiġu applikati mill-persuni u l-entitajiet kollha li joperaw fl-Unjoni, inklużi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, kif ukoll miċ-ċittadini jew entitajiet ekonomiċi tal-Unjoni li joperaw barra mill-fruntieri tal-Unjoni imma li jkunu rreġistrati jew stabbiliti bil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni;

(ac)

biex jiġi żgurat li l-mexxejja li fuqhom kienu imposti sanzjonijiet, u persuni u entitajiet fiżiċi u ġuridiċi assoċjati b'mod ċar magħhom, ikunu strettament ipprojbiti milli jkollhom assi u proprjetà ġewwa l-UE;

(ad)

biex l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa jipprojbixxu lill-iskejjel u l-universitajiet, gruppi ta' riflessjoni u lil istituzzjonijiet akkademiċi oħra milli jaċċettaw finanzjameti, għotjiet jew donazzjonijiet li jkunu ġejjin minn mexxejja ssanzjonati u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi assoċjati magħhom u jistabbilixxu t-trasparenza fil-finanzjament privat tagħhom;

(ae)

biex l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa jipprojbixxu lill-assoċjazzjonijiet tal-isport (inklużi l-klabbs tal-futbol) u lill-organizzazzjonijiet tal-karità milli jaċċettaw finanzjamenti, għotjiet jew donazzjonijiet li jkunu ġejjin minn mexxejja ssanzjonati u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi assoċjati magħhom;

(af)

biex l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa jirrispettaw b'mod rigoruż il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li jipprojbixxu persuni li fuqhom ġew imposti sanzjonijiet milli jivvjaġġaw fl-UE għal kwalunkwe skop ħlief minħabba raġunijiet umanitarji;

(ag)

biex l-Istati Membri tal-UE jiġu mħeġġa jinvestigaw b'mod attiv u, fejn xieraq, jipproċessaw lil persuni jew entitajiet ġuridiċi fl-Ewropa li jkunu għenu lil mexxejja ssanzjonati jew lil persuni assoċjati magħhom jevadu jew jevitaw is-sanzjonijiet imposti legalment fuqhom;

Kobor tal-azzjoni

(ah)

biex l-UE timpenja tuħha tibni appoġġ u koalizzjonijiet internazzjonali għall-politiki tagħha, speċjalment ma' atturi influwenti fir-reġjun inkwistjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-Parlament Ewropew jiġi assoċjat bis-sħiħ fil-proċess;

(ai)

li l-UE tiġi mħeġġa ssaħħaħ il-leġittimità u tibni appoġġ pubbliku u politiku wiesa' għall-politiki tagħha, inklużi l-miżuri restrittivi u s-sanzjonijiet, fil-livell tal-UE u dak internazzjonali, speċjalment fil-pajjiżi tar-reġimi li fuqhom kienu imposti sanzjonijiet, u l-Parlament Ewropew jiġi assoċjat bis-sħiħ fil-proċess;

(aj)

li l-UE tiġi mħeġġa tikkoopera, fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma jkunx applika sanzjonijiet jew miżuri restrittivi, ma' Stati li jkunu qed japplikaw sanzjonijiet, biex tikkondividi informazzjoni u tikkoordina miżuri sabiex jiġi garantit l-ikbar impatt possibbli fil-livell internazzjonali u tiġi mmassimizzata l-effikaċja tal-applikazzjoni tas-sanzjonijiet Komunitarji;

(ak)

biex ir-RGħ/VP, il-Kapijiet tal-Missjonijiet u s-SEAE jiġu mistiedna jikkomunkaw b'mod espliċitu lill-mexxejja ssanzjonati liema provvedimenti huma meħtieġa jadottaw, billi jiġu fissati objettivi preċiżi u fattibbli u tiġi offruta assistenza teknika xierqa;

(al)

biex l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur skambju ta' informazzjoni dwar l-individwi elenkati, fil-limiti previsti mil-liġi, mal-istati l-oħra, il-korpi rilevanti tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

(am)

biex l-Istati Membri jiġu mistiedna jiżguraw livell raġonevoli ta' aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar miżuri nazzjonali rigward il-miżuri restrittivi applikati;

(an)

biex il-Kunsill jimpenja ruħu jikkonsulta bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew fil-proċess ta' rieżami tas-sanzjonijiet u jitlob il-kontribut mill-Parlament Ewropew għal-linji gwida politiċi u t-tfassil tal-politika ta' sanzjonijiet tal-UE usa';

(ao)

biex jiġi mfakkar li d-diplomazija ta' koerċizzjoni trid tkun akkumpanjata wkoll minn miżuri pożittivi bħall-għajnuna għall-iżvilupp, kooperazzjoni ekonomika sostenibbli u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili;

(ap)

biex is-sanzjonijiet u l-evalwazzjoni tagħhom jiġu jakkumpanjati minn miżuri bbażati fuq il-kooperazzjoni u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-popli tal-pajjiżi fil-mira, bl-għan li tiġi żviluppata jew imsaħħa kultura ta' rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż inkwistjoni;

(aq)

biex isir kull sforz biex jiġu mobilizzati l-assi ffriżati u kkonfiskati sabiex dawn jiġu rimpatrijati kemm jista' jkun malajr fil-pajjiżi rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tal-popolazzjoni;

*

* *

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lis-SEAE.


(1)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45

(2)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59

(3)  ĠU L 23, 27.1.2009, p. 37

(4)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 49

(5)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/18


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
It-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji

P7_TA(2012)0019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji (2011/2046(INI))

2013/C 239 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 50 u 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu ‘l quddiem” (COM(2003)0284),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: ‘Europa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna - 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin” (COM(2010)0608),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’”(COM(2011)0206),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ kumpanija Ewropea (SE) (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2001/86/KE tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut ta’ kumpanija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabilità limitata (3),

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Daily Mail  (4), Centros  (5), Überseering  (6), Inspire Art  (7), SEVIC Systems  (8), Cadbury Schweppes  (9) u Cartesio  (10),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-iżviluppi riċenti u l-prospetti fir-rigward tal-liġi tal-kumpanniji (11),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanij (12) a,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (13),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija (14),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (15),

wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0008/2012),

A.

billi l-Artikoli 49 u 54 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment tal-kumpaniji u l-azjendi kollha; billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija fost l-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern, billi għandha tittieħed nota tan-nuqqas ta’ konsistenza fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasferiment u l-proċeduri ta’ trasferiment tas-sede, dik irreġistrata jew dik reali, ta’ kumpanija jew ditta eżistenti rregolata mid-dritt nazzjonali minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor fi ħdan is-suq uniku, kif ukoll tar-riskji relatati fir-rigward tal-impjiegi, flimkien mad-diffikultajiet amministrattivi, l-ispejjeż iġġenerati, l-implikazzjonijiet soċjali u n-nuqqas ta' ċertezza legali;

B.

billi l-maġġoranza tal-parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika li għalqet fil-15 ta’ April 2004 kienu favorevoli għall-adozzjoni tad-direttiva tal-liġi tal-kumpaniji dwar it-trasferimenti tas-sedi tal-kumpaniji;

C.

billi meta jitqiesu d-disparitajiet tar-rekwiżiti imposti mill-Istati Membri għall-migrazzjoni tal-kumpaniji, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ħtieġa ta’ skema armonizzata li tirregola t-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji;

D.

billi l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovditx il-kjarifika neċessarja fir-rigward tat-trasferiment tas-sede ta' kumpanija fis-sentenza tagħha Cartesio kif mistenni mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tal-2007 tagħha (16);

E.

billi huma l-leġiżlaturi u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi tat-Trattat, il-miżuri rilevanti sabiex titwettaq il-libertà ta’ kumpanija li tittrasferixxi s-sede tagħha;

F.

billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-2007 li “l-għażla ta' ‘ebda azzjoni’ tidher aktar proporzjonata peress li mhijiex meħtieġa aktar azzjoni tal-UE” (17), il-mobilità tal-kumpaniji għadha tinvolvi piżijiet amministrattivi kbar kif ukoll spejjeż soċjali u fiskali;

G.

billi l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-2007 ma tkoprix l-implikazzjonijiet fuq il-politiki soċjali u tal-impjiegi, bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;

H.

billi jeħtieġ li ma jitħalliex isir l-abbuż ta' uffiċċji b’kaxxa postali biss u kumpaniji għall-apparenza (shell companies), maħsuba biex iduru ma’ kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali;

I.

billi t-trasferiment ta’ sede ta’ kumpanija għandu jkun newtrali mil-lat fiskali;

J.

billi t-trasferiment tas-sede għandu jżomm il-kontinwità tal-personalità legali tal-kumpanija jew ditta kkonċernata, bil-għan li jiġi żgurat li din tiffunzjona sewwa;

K.

billi t-trasferiment m’għandux jaffettwa d-drittijiet ta’ dawk interessati (azzjonisti minoritarji, impjegati u kredituri) li joriġinaw mit-trasferiment;

L.

billi l-proċedura ta’ trasferiment għandha tkun regolata b’regoli stretti għal dik li hi trasparenza u informazzjoni għal dawk interessati qabel ma jsir it-trasferiment;

M.

billi d-drittijiet ta’ involviment tal-impjegati huma ta' importanza kbira waqt it-trasferiment tas-sede ta' kumpanija;

N.

billi għandha tkun żgurata l-koerenza tal-proċeduri ta' involviment tal-impjegati bejn id-dispożizzjonijiet legali differenti li hemm fid-direttivi tal-liġi tal-kumpaniji;

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tissottometti malajr abbażi tal-Artikolu 50(1) u (2)(g) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi ta' kumpanija, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-Anness mehmuż;

2.

Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali;

3.

Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.

(3)  ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.

(4)  Kawża 81/87 Daily Mail [1988] Ġabra 5483.

(5)  Kawża C-212/97 Centros [1999] Ġabra I-1459.

(6)  Kawża C-208/00 Überseering [2002] Ġabra I-9919.

(7)  Kawża C-167/01 Inspire Art [2003] Ġabra I-10155.

(8)  Kawża C-411/03 SEVIC Systems [2005] Ġabra I-10805.

(9)  Kawża C-196/04 Cadbury Schweppes [2006] Ġabra I-7995.

(10)  Kawża C-210/06 Cartesio [2008] Ġabra I-9641.

(11)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.

(12)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 671.

(13)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 11.

(14)  ĠU C 87 E, 1.04.2010, p. 5.

(15)  Testi Adottati, P7_TA(2010)0426.

(16)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007) 1707, punt 3.5.2, pp. 24-25.

(17)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt dwar id-Direttiva dwar it-trasferiment transkonfinali ta' uffiċċju reġistrat, SEC (2007)1707, punt 6.2.4, p. 39.


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-ambitu tad-direttiva li għandha tiġi adottata)

Id-direttiva għandha tapplika għal kumpaniji b'responsabbiltà limitata skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt 1 tad-Direttiva 2005/56/KE.

L-ambitu tagħha għandu jagħmel provvediment għal soluzzjoni f’lokha għall-kwistjoni ta’ separazzjoni bejn l-uffiċċju rreġistrat u s-sede amministrattiva ta’ kumpanija.

Rakkomandazzjoni 2 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali

Id-direttiva għandha tippermetti li l-kumpaniji jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' stabbiliment b'migrazzjoni lejn Stat Membru ospitanti mingħajr ma jitilfu l-personalità legali tagħhom iżda billi jeqilbu għal kumpanija rregolata bil-liġi tal-kumpaniji tal-Istat Membru ospitanti mngħajr ma jkollhom ixolju.

It-trasferiment m’għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali, fiskali.

It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tkun regolata mil-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.

It-trasferiment m'għandux jaffettwa r-relazzjonijiet legali ma' partijiet terzi.

It-trasferiment għandu jkun fiskalment newtrali skont id-dispożizzjoni tad-Direttiva 90/434/KEE (1)

Rakkomandazzjoni 3 (dwar trasparenza u informazzjoni qabel id-deċiżjoni ta' trasferiment)

Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment għandu jkollu jfassal rapport u proposta ta' trasferiment. Qabel ma l-maniġment jiddeċiedi dwar ir-rapport u l-proposta ta' trasferiment, ir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom għandhom jiġu infurmati u kkonsultati dwar it-trasferiment propost skont kif mifhum mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE (2).

Ir-rapport għandu jkun ppreżentat lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fil-każ li ma jkunx hemm rappreżentanti, l-impjegati nfushom.

Ir-rapport għandu jiddeskrivi u jiġġustifka l-aspetti ekonomiċi, legali u soċjali tat-trasferiment u jispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-azzjonisiti, il-kredituri u l-impjegati li jistgħu jeżaminaw ir-rapport matul perjodu speċifiku li ma jistax ikun anqas minn xahar jew aktar minn tliet xhur qabel id-data tal-laqgħa tal-azzjonisti għall-approvazzjoni tat-trasferiment.

Il-proposta ta’ trasferiment għandha tinkludi:

(a)

il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju;

(b)

il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;

(d)

l-iskeda prevista għat-trasferiment;

(e)

id-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi s-sede għal raġunijiet ta’ kontabilità se jitqiesu bħala stabbiliti fl-Stat Membru ospitanti;

(f)

l-informazzjoni ddettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju;

(g)

id-drittijiet garantiti għall-azzjonisti tal-kumpanija, l-impjegati u l-kredituri jew il-miżuri relevanti proposti u l-indirizz fejn l-informazzjoni kollha dwar dan jistgħu jinkisbu bla ħlas;

(h)

jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Ir-rapport u l-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-azzjonisti u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal eżami f’perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija għall-azzjonisti.

It-trasferiment għandu jkun ippubblikat skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/101/KE (3).

Rakkomandazzjoni 4 (dwar deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti)

Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-formalitajiet stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista’ tagħmel kundizzjoni li t-twettiq tat-trasferiment ikun jiddependi mill-fatt li hija tapprova b’mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw il-protezzjoni xierqa għall-azzjonisti minoritarji li jopponu t-trasferiment, pereżempju, id-dritt li jirtiraw mill-kumpanija, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħha.

Rakkomandazzjoni 5 (dwar il-verifika tal-legalità tat-trasferiment)

L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b’mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu twettqu qabel it-trasferiment.

Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f’perjodu ta’ żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu li l-kumpanija tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati, inkluż li r-rekwiżiti stipulati fl-Istat Membru ospitanti rigward l-informazzjoni ta’ tali kumpanija jkunu sodisfatti.

L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità korrispondenti fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.

Sabiex ikunu mħarsa partijiet terzi, ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati adegwatament.

Rakkomandazzjoni 6 (dwar miżuri ta' protezzjoni)

Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti ta' xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta’ pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m’għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tas-sede.

Minħabba raġunijiet ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tas-sede, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju. Kredituri eżistenti għandhom ikollhom dritt għal depożitu ta' garanzija.

Rakkomandazzjoni 7 (dwar id-drittijiet tal-impjegati)

Id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jitħarsu matul it-trasferiment. Bħala prinċipju, dawn għandhom ikunu regolati mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti m’għandhiex tkun applikabbli:

(a)

jekk ma tipprevedix tal-anqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni daqs dik applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju, jew

(b)

jekk ma tagħtix lill-impjegati ta' stabbilimenti tal-kumpanja li jinsabu fi Stati Membri oħrajn l-istess drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li kellhom qabel it-trasferiment.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar id-drittijiet tal-impjegati għandhom ikunu jaqblu mal-acquis.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet [fużjonijiet], id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta' l-attivi u l-iskambji ta' l-ishma li jirrigwardaw il-kumpaniji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1)

(2)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi struttura ġenerali sabiex tinforma u tikkonsulta lil ħaddiema fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(3)  Id-Direttiva Nru 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11).


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/23


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Il-Kontroll baġitarju tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE

P7_TA(2012)0020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kontroll baġitarju tal-għajnuna umanitarja tal-UE ġestita mill-ECHO (2011/2073(INI))

2013/C 239 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jittratta l-għajnuna umanitarja;

wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju (1) u r-regoli implimentattivi tiegħu (2);

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar ‘Lejn rispons Ewropew aktar b'saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja' (4), u tad-19 ta’ Jannar 2011 dwar 'is-sitwazzjoni f’Ħaiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni’ (5), tal-10 ta’ Frar 2010 dwar 'it-terremot reċenti f'Ħaiti’ (6), tad-29 ta' Novembru 2007 dwar id-Dikjarazzjoni tal-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja, tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar ‘l-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja: l-analiżi ta' nofs it-term tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha u t-triq ’il quddiem’ (7);

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008 tal-5 ta’ Mejju 2010 (8) u għas-sena finanzjarja 2009 tal-10 ta’ Mejju 2011 (9);

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008 (10), u s-sena finanzjarja 2009 (11), flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet;

wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali tal-QEA Nru 3/2006 dwar ‘l-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea għaz-Tsunami’, Nru 6/2008 dwar ‘L-Għajnuna ta' Rijabilitazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea wara t-Tsunami u l-Uragan Mitch’, Nru 15/2009 dwar ‘L-Assistenza tal-UE implimentata permezz ta' organizzazzjonijiet tan- Nazzjonijiet Uniti: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ’ u Nru 3/2011 dwar ‘L-effiċjenza u l-effettività tal-kontribuzzjonijiet tal-UE mwassla permezz ta’ Organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f’pajjiżi milquta minn kunflitti’;

wara li kkunsidra r-rapporti Annwali u r-rapporti tal-Attività Annwali għas-snin finanzjarji 2009 u 2010 tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO) u l-annessi tagħhom;

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Għajnuna Umanitarja u l-implimentazzjoni tagħha fl-2009 (COM(2010)0138) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2011)0398);

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Għajnuna Umanitarja tal-Unjoni Ewropea u l-Politika tal-Protezzjoni Ċivili u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2010 (COM(2011)0343) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SEC(2011)0709);

wara li kkunsidra fl-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) bejn il-Kummissjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti;

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet umanitarji (FQS);

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0444/2011);

A.

billi l-għadd, il-frekwenza, il-firxa u s-severità tad-diżastri umanitarji żdiedu b’mod drammatiku, fejn qed jaffettwaw aktar partijiet tad-dinja;

B.

billi r-rwol globali ewlieni tal-UE bħala attriċi umanitarja, iż-żieda fil-għadd u l-frekwenza tal-interventi ġewwa u barra l-UE, flimkien mal-limitazzjonijiet baġitarji attwali, jenfasizzaw is-sinifikat tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja;

C.

billi l-megakatastrofi f’Ħaiti u fil-Pakistan urew għal darba oħra li l-istrumenti li hemm għad-dispożizzjoni tal-UE biex tirreaġġixxi għad-diżastri jridu jittejbu f'dawk li huma effikaċja, veloċità u koordinament;

Effiċjenza u effikaċja tas-sistema ta’ kontroll, monitoraġġ u superviżjoni tal-ECHO

1.

Jinnota d-determinazzjoni tad-DĠ ECHO u l-miżuri li ttieħdu biex tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-għajnuna umanitarja tal-UE;

2.

Ifakkar fl-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) fir-rapporti annwali tagħha skont liema opinjoni l-kontrolli ex-ante, is-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ superviżjoni, l-attività tal-verifiki ex-post, il-funzjonijiet tal-verifiki interni ġenerali tad-DĠ ECHO huma vvalutati bħala ġeneralment effettivi; jenfasizza, sadattant, li f’dawn l-aspetti kollha hemm lok għal titjib;

Sħab tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija (FQS): l-NGOs

3.

Jinnota li r-relazzjonijiet bejn l-ECHO u l-NGOs sħab tiegħu huma regolati mill-FQS, filwaqt li l-metodu tal-implimentazzjoni tal-baġit huwa amministrazzjoni ċentralizzata diretta;

4.

Jilqa’ l-flessibilità u l-effiċjenza mtejba ffaċilitati mill-FQS 2008 meta mqabbla mal-FQS 2005, bħalma huma approċċ orjentat aktar lejn ir-riżultati, l-introduzzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kontroll A u P, is-semplifikazzjoni akbar u ambigwità inqas permezz tal-iżviluppar ta' linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tirfina l-miżuri li jtejbu l-effiċjenza tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-FQS fl-FQS ta’ wara l-2012; jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza tal-kooperazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv eċċessiv għas-sħab tal-FQS huwa importanti, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta' obbligu li jingħata rendikont u ta’ trasparenza;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodi u l-prattika tal-ivvalutar dwar jekk sieħeb potenzjali jkunx jikkwalifika għall-FQS jew le; ifakkar li l-esperjenza ta’ qabel ma ġie ffirmat il-FQS 2008 tindika li l-valutazzjoni li saret fil-bidu favur is-sħab taħt il-mekkaniżmu ta’ kontroll P, ibbażata fuq l-affidabilità tas-sistemi ta' kontroll tagħhom u fuq is-solidità finanzjarja tagħhom, kienet ottimista ż-żejjed; ifakkar li bħala riżultat tal-valutazzjoni taħt il-FQS 2008 ħafna minnhom kellu jitnaqqsilhom il-grad għal sħab A, jiġiefieri taħt il-mekkaniżmu ta' kontroll A;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dgħufijiet identifikati waqt il-verifiki regolari tas-sistemi tas-sħab jiġu indirizzati minnhom b'mod li jkun f'waqtu u li jekk dan ma jsirx jittieħdu l-miżuri meħtieġa; ifakkar li l-awdituri esterni jridu jkomplu jaħdmu biex tittejjeb il-kwalità tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom lis-sħab, filwaqt li jqisu l-istrutturi speċifiċi tas-sħab biex tiġi żgurata l-aċċettazzjoni u l-fattibilità tal-implimentazzjoni tagħhom;

7.

Jemmen li bis-saħħa tal-fatt li hemm stabbiliti mekkaniżmi għall-ivverifikar u l-monitoraġġ l-obbligu li jingħata rendikont huwa aħjar f’dak li hu evalwar tal-effiċjenza u l-effikaċja tas-sħab tal-FQS milli fil-każ tas-sħab tan-NU;

Organizzazzjonijiet Internazzjonali, in-NU

8.

Jinnota li r-relazzjonijiet bejn l-ECHO u sħabu tan-NU huma regolati mill-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA), filwaqt li r-relazzjonijiet mal-familja tas-Salib l-Aħmar u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni huma regolati mill-FQS għall-Organizzazzjonijiet Internazzjonali (OI); ifakkar li fiż-żewġ każijiet il-metodu tal-implimentazzjoni tal-baġit kien l-amministrazzjoni konġunta;

9.

Jirrimarka li t-termini u l-implimentazzjoni tal-kontroll u s-segwitu tal-fondi tal-UE skont l-amministrazzjoni konġunta urew dgħufijiet serji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taqbel, partikolarment mal-aġenziji tan-NU, dwar il-miżuri biex wieħed jorbot fuq ix-xogħol ta' verifika mwettaq mill-korpi tan-NU u biex tissaħħaħ u tittejjeb l-assigurazzjoni miksuba minn ispezzjonijiet eżistenti, inkużi l-verifiki;

10.

Ifakkar li bħala riżultat tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament Finanzjarju (RF), il-fondi tal-UE li jiġu mgħoddija permezz tan-NU u tal-OI għandhom jiġu amministrati skont id-dispożizzjonijiet tal-amministrazzjoni indiretta;

11.

Jenfasizza li r-rekwiżiti ta' kontroll għall-amministrazzjoni indiretta tal-fondi tal-UE għandhom jiġu modernizzati ma’ dawk li hemm għall-amministrazzjoni konġunta; jinsisti li l-istess livell ta’ obbligu ta' għoti ta' rendikont jiġi stabbilit għall-amministrazzjoni indiretta tal-fondi tal-UE mis-sħab tal-ECHO, partikolarment f’dak li hu l-forniment lill-Kummissjoni tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 57(5) tal-proposta tal-Kummissjoni għar-RF; jenfasizza li l-aċċess għar-rapporti tal-verifiki tas-sħab tal-ECHO huwa essenzjali fl-ivverifikar tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE;

12.

Jinsisti li r-riżultati tal-verifiki jitqiegħdu għad-disponibilità tal-awtorità tal-kwittanza meta jkun il-waqt; dan mhux se jipprekludi s-setgħat u l-kompetenzi tal-QEA jew tal-OLAF;

13.

Jiddeplora l-karattru eċċessivament ġenerali tar-rapporti tan-NU, b’tagħrif insuffiċjenti dwar ir-riżultati; jirrimarka li minħabba l-prinċipju tal-verifika unika tan-NU u l-fatt li l-ambitu tal-kontroll tal-Kummissjoni huwa limitat għall-verifiki u l-monitoraġġ, ir-rapporti tan-NU huma, madankollu, għajn essenzjali ta’ tagħrif biex jiġu żgurati l-obbligu li jingħata rendikont u t-trasparenza;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapporti tan-NU jkun fihom tagħrif biżżejjed rigward ir-riżultati, i.e. il-kontribut u l-eżitu, tal-proġetti fil-limiti tal-iskala taż-żmien tar-rappurtar; jenfasizza li l-indikaturi li jistgħu jitkejlu tal-kontribut u tal-impatt għandhom ikunu parti integrali tal-kriterji tar-rappurtar; jiddeplora l-fatt li ’l fuq minn 70% tat-tweġibiet tal-ECHO għall-kwestjonarji tal-QEA għar-Rapport Speċjali tagħha 15/2009 jiżvelaw li r-rapporti tan-NU waslu tard;

15.

Jirrimarka li hemm differenzi bejn il-firmatarji tal-Kummissjoni u dawk tal-FAFA rigward l-interpretazzjoni tal-klawsola ta’ verifika tal-FAFA, partikolarment dwar kif jitmexxew l-ispezzjonijiet; jilqa’ l-adozzjoni ta' Termini ta' Referenza (TtR) standard għall-verifiki f'Lulju 2009 bħala mezz biex tkompli tiġi pprovduta aktar gwida għall-operazzjoni tal-klawsola ta’ verifika u aktar kjarifikazzjoni dwarha; ifakkar li skont dak li nstab l-aħħar mis-Settur tal-Verifika Esterna (SVE) tad-DĠ ECHO u mill-QEA fi ħdan il-qafas tal-eżerċizzju annwali tad-DAS, hemm lok għal aktar iċċarar dwar it-TtR li sar qbil dwarhom u l-klawsola ta’ verifika;

16.

Jinnota li s-Servizz Estern tal-Verifika ftit li xejn ibbenefika miż-żieda fil-għadd tal-persunal fil-kwartieri ġenerali tad-DĠ ECHO fl-2010 (minn 247 sa 289);

17.

Jiddeplora d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom il-QEA biex ikollha aċċess għat-tagħrif dwar l-azzjonijiet imwettqa mis-sħab tan-NU; ifakkar li, skont il-klawsola ta’ verifika tal-FAFA, l-UE, u għalhekk il-QEA, jistgħu jwettqu spezzjonijiet finanzjarji fuq il-post u li n-NU għandha tipprovdi t-tagħrif finanzjarju relevanti kollu; jenfasizza li n-NU trid tipprovdi lill-QEA l-aċċess meħtieġ għat-tagħrif u b'hekk tissodisfa l-klawsola ta' verifika tal-FAFA;

18.

Jilqa' r-riżultati pożittivi tad-diskussjonijiet mal-Programm Dinji tal-Ikel (PDI) u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), li bħala riżultat tagħhom il-PDI u l-UNICEF biddlu r-regoli tagħhom biex iqiegħdu r-rapporti tal-verifiki interni tagħhom għad-disponibilità tad-DĠ ECHO; jistieden lid-DĠ ECHO jmexxi negozjati simili mal-aġenziji l-oħra tan-NU mingħajr dewmien sabiex jiġi żgurat aċċess faċli u mingħajr burokrazija għar-rapporti tal-verifiki interni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-kumitati kompetenti tal-Parlament bil-progress tan-negozjati kull sitt xhur; jenfasizza li r-rapporti kollha tal-verifiki interni għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni elettronikament u mhux biss fuq il-premessi tal-aġenziji relevanti tan-NU;

19.

Ifakkar li d-diskussjonijiet bdew mal-PDI fl-2010 bil-għan li jintlaħaq qbil dwar metodoloġija komuni skont liema metodoloġija l-PDI ikun iwettaq verifiki ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tlesti għalkollox b’suċċess dan l-objettiv u tmexxi negozjati simili ma’ sħab oħra tan-NU;

20.

Jilqa’ l-isforzi li qed isiru bħalissa mill-Grupp ta’ Ħidma dwar L-Obbligu li Jingħata Rendikont, u l-Verifika, tal-Għajnuna mogħtija f’każijiet ta’ Diżastru stabbilit fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi ta’ Verifika (INTOSAI) u mmexxi minn Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; ifakkar li ż-żewġ objettivi ewlenin huma: (i) li jiġu stabbiliti gwida u prattika tajba bil-ħsieb li fl-aħħar mill-aħħar naslu għal mudell uniku ta' rappurtar integrat u (ii) li jiġu stabbiliti gwida u prattika tajba fil-qasam tal-ivverifikar tal-għajnuna relatata mad-diżastri;

21.

Hu tal-fehma li dan huwa pass importanti ’l quddiem fl-indirizzar tal-isfidi tat-trasparenza u l-obbligu li jingħata rendikont f'kooperazzjoni man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jinkoraġġixxi lill-grupp ta’ ħidma jwettaq il-mandat tiegħu fil-limiti taż-żmien stabbilit;

22.

Jirrimarka li, mindu saru r-rivelazzjonijiet tal-użu ħażin li sar tal-fondi tan-NU għal attivitajiet umanitarji u ta’ żvilupp mill-Gvern tal-Korea ta’ Fuq għall-aħħar tal-2006, kien hemm kritika mifruxa rigward in-nuqqas ta’ trasparenza, obbligu li jingħata rendikont, effiċjenza u effikaċja tal-amministrazzjoni tal-fondi min-NU; jiddispjaċih li r-riforma tan-NU fi kwistjonijiet ta’ trasparenza u ta’ obbligu li jingħata rendikont għadha ma għamlitx progress sinifikanti; jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li juru aktar rieda politika, determinazzjoni u koerenza biex javvanzaw ir-riforma u jiżguraw obbligu aqwa ta’ għoti ta’ rendikont; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tagħmel din il-kwestjoni prijorità u twettaq rwol ta’ faċilitar;

Effiċjenza u effikaċja fl-implimentazzjoni tal-għajnuna umanitarja tal-UE amministrata mid-DĠ ECHO

23.

Jagħraf il-benefiċċju li jiġu mfittxija arranġamenti ġodda ta' finanzjament għad-dispożizzjoni ta’ finanzjament mid-DĠ ECHO, flimkien mas-sħab tiegħu; jappella, fl-istess ħin, għar-rispett tad-diversità tal-atturi involuti b’mod attiv fil-qafas tal-finanzjament u tal-implimentazzjoni tal-programmi umanitarji Ewropej – in-Nazzjonijiet Uniti, il-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) – peress li l-katastrofi spiss ikunu ta' natura transnazzjonali u jkollhom bżonn reazzjonijiet multilaterali u kkoordinati; jinkoraġġixxi x-xogħol li qed isir biex jiġu msaħħa l-kapaċitajiet tal-partijiet interessati lokali u jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' evalwazzjoni u ta' reazzjoni rapida fil-post permezz tal-uffiċċji tad-DĠ ECHO kif ukoll esperti f’oqsma partikolari;

24.

Jirrimarka li valutazzjoni tal-ħtiġijiet li tkun eżatta u koerenti hija prerekwiżit essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-għajnuna umanitarja; jagħraf li, bis-saħħa tal-Valutazzjoni Globali tal-Ħtiġijiet (VGĦ) u l-Valutazzjoni tal-Kriżijiet Minsija (VKM), l-għajnuna umanitarja amministrata mill-ECHO tissodisfa l-kriterju vitali li tkun strettament ibbażata fuq il-ħtiġijiet; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha li tinvolvi ruħha fid-dibattitu dwar l-istabbiliment ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet li tkun ikkoordinata aħjar u aktar koerenti; jilqa’ d-djalogu ta’ bejn il-Kummissjoni u n-NU f'dan ir-rigward;

Is-Sħab tal-FQS

25.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ix-xogħol ta' kwalità għolja mwettaq mis-sħab tad-DĠ ECHO, li jirnexxilu jsir permezz ta’ metodu ta' għażla effikaċi – b’mod partikolari permezz tal-FQS – u l-elaborazzjoni tal-istandards u l-prattiki applikabbli fil-kamp umanitarju; jenfasizza wkoll li l-kontroll effettiv tal-użu tal-fondi fil-qafas ta' verifiki li jsiru fuq is-sħab minn kumpaniji privati huwa essenzjali u jikkontribwixxi għal-leġittimità tas-settur umanitarju; jinnota, madankollu, bl-għan tas-salvagwardja tad-diversità tas-sħab u biex jiġi ggarantit l-aċċess tal-NGOs żgħar u ta' daqs medju għall-fondi, il-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi tal-aċċess u l-ispejjeż amministrattivi eċċessivi, li huma għolja ħafna għall-NGOs, id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa' magħhom waqt il-verifiki minħabba nuqqas ta' riżorsi umani, u jitlob li l-għodod użati jiġu adattati għar-rekwiżiti speċifiċi tas-settur umanitarju u għall-bżonnijiet lokali, sabiex l-għajnuna umanitarja tkun orjentata b'mod xieraq u sabiex il-koordinazzjoni tal-azzjoni tad-diversi organizzazzjoinijiet ta' għajnuna preżenti tibda minn stadju bikri;

26.

Jilqa' l-isforzi tad-DĠ ECHO sabiex jippromwovi l-użu ta' approċċi innovattivi bħall-"cash-based approach", b'mod partikolari t-trasferimenti bla kundizzjonijiet iddestinati għall-gruppi l-aktar vulnerabbli; jinnota li dawn l-approċċi, li jużaw is-swieq lokali, jistgħu jkunu aktar effiċjenti mill-għajnuna in natura, u mhux neċessarjament jimplikaw riskju ogħla ta' fiduċja; iħeġġeġ ukoll lid-DĠ ECHO biex ikompli jiżviluppa l-"cash-based approaches" u biex iħeġġeġ lis-sħab tiegħu biex jużawhom;

27.

Ifakkar fil-konklużjonijiet li ntlaħqu wara t-tliet ċikli tal-verifiki tal-kwartieri ġenerali (KĠ) li saru mis-Settur tal-Verifika Esterna (SVE) tad-DĠ ECHO dwar in-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet finanzjarji ta’ bejn id-DĠ ECHO u sħabu, li jgħidu li l-fondi li kienu disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni ntużaw, fil-biċċa l-kbira tagħhom, b’attenzjoni raġonevoli u skont ir-regoli u l-regolamenti li hemm fis-seħħ;

28.

Jinnota li l-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-verifiki tal-KĠ tas-SVE tas-sħab tal-FQS jirreferu għar-regoli ta’ akkwist li għandhom is-sħab; jiġbed l-attenzjoni għal waħda mis-sejbiet prinċipali tal-verifiki tal-KĠ, li hi li mhux is-sħab kollha tal-FQS (li jaqgħu kemm taħt il-mekkaniżmu A u kemm taħt il-mekkaniżmu B) għandhom stabbiliti proċeduri li huma konformi għalkollox mal-prinċipji tal-Anness 1V tal-FQS tal-2008; jinnota li hemm kwestjonijiet relatati mal-forniment ta’ fajls ta’ akkwist kompluti u mal-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ akkwist li jkunu dokumentati aħjar u solidi;

29.

Jinnota li l-kwistjonijiet li ġejjin iridu jiġu indirizzati mis-sħab tal-FQS: l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ kontroll intern, it-titjib tas-sistemi tagħhom ta’ allokazzjoni tal-ispejjeż finanzjarji u li jsiru aktar trasparenti, it-titjib tad-dgħufijiet fis-sistemi tagħhom ta’ kontabilità u fl-impenn tal-maniġment tagħhom għal standards ta’ kwalità, l-istabbiliment ta’ proċess ta’ mmaniġġjar tar-riskji għall-organizzazzjoni kollha kemm hi u s-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tal-frodi u l-korruzzjoni;

30.

Jinnota li s-sħab tal-ECHO jistgħu jissottokuntrattaw sħab li jimplimentaw biex iwettqu attivitajiet biex jappoġġjaw azzjonijiet umanitarji; jiddeplora n-nuqqas ta’ proċeduri xierqa, u ta’ superviżjoni u mmaniġġjar xieraq min-naħa tas-sħab tal-FQS tas-sħab tagħhom li jimplimentaw; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tindirizza din il-kwestjoni, filwaqt li tqis ir-riskju li din tista' tikkawża f’każijiet ta’ frodi, in-nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti sottostanti u l-fatt li l-ECHO ma għandux il-mekkaniżmi biex jidentifika s-sħab li jimplimentaw li huma sottokuntrattati;

31.

Jemmen li l-involviment ġenwin u kontinwu tal-benefiċjarji fl-ippjanar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna huwa waħda mill-prekundizzjonijiet essenzjali għal reazzjonijiet umanitarji ta’ kwalità għolja u fil-pront, partikolarment fil-każ ta’ kriżijiet li jdumu għaddejjin għal żmien twil; jirrimarka li f’ħafna każijiet ma hemm stabbilit l-ebda mekkaniżmu formali biex jipprovdi lmenti/reazzjonijiet mill-benefiċjarji lis-sieħeb ikkonċernat jew regoli ċari dwar il-ħarsien tal-whistleblowers; jenfasizza li din hija miżura importanti għat-titjib tal-effikaċja u tal-obbligu li jingħata rendikont tal-materjali ta’ għajnuna kif ukoll li jiġi prevenut il-potenzjal li jintużaw ħażin; jistieden lid-DĠ ECHO jistabbilixxi tali mekkaniżmi mingħajr dewmien;

32.

Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tas-SVE skont liema rakkomandazzjoni hemm il-ħtieġa ta' monitoraġġ imtejjeb, kemm tad-distribuzzjoni u kemm wara d-distribuzzjoni, minn membri tal-persunal li ma jkunux involuti fil-proċess innifsu, biex jevalwaw jekk il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tkunx identifikat il-rekwiżit kollha u jekk dawn ir-rekwiżiti jkunux ġew issodisfati; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-lezzjonijiet li ttieħdu minn dawn l-attivitajiet ta’ monitoraġġ;

Sħab tan-NU

33.

Ifakkar fl-opinjoni tal-QEA, kif spjegata fir-Rapport Speċjali tagħha 15/2009, li r-rekwiżiti strateġiċi u legali biex issir l-għażla tas-sħab b’mod oġġettiv u trasparenti huma msarrfa b’mod insuffiċjenti fi kriterji prattiċi biex jiġi appoġġjat it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każ tas-sħab tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tiddokumenta sistematikament stimi formali li jqabblu l-mekkaniżmi tat-twassil tal-għajnuna tas-sħab tan-NU u dawk ta’ sħab oħra;

34.

Jinnota li, minbarra l-kontribuzzjoni tagħha għal spejjeż indiretti (sa 7% tal-baġit għal attività), jiġifieri l-ispejjeż li mhumiex relatati direttament mal-implimentazzjoni ta’ proġett speċifiku, il-Kummissjoni tiffinanzja varjetà ta’ spejjeż relatati direttament (spejjeż diretti) mal-proġett, inklużi l-ispejjeż tal-appoġġ għall-uffiċċji lokali, persunal u trasport relatati direttament mal-attivitajiet; jirrimarka li l-livell tal-ispejjeż tal-appoġġ, bħalma huma t-trasport, il-ħżin u l-immaniġġjar (pereżempju tal-għajnuna f’ikel) ivarja bil-kbir; jagħraf il-fatt li r-raġuni għal dan jista’ jkun speċifiku għall-pajjiż, skont ma jkunu l-kundizzjonijiet, imma jirrimarka li jista’ jkun dovut ukoll għall-ħtieġa li l-operazzjonijiet jiġu ssemplifikati, bil-għan li jsiru aktar kosteffettivi; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tivvaluta l-livell tal-ispejjeż tal-appoġġ b’referenza għal firxa normali jew parametru ta’ riferiment għat-tip ta’ proġett ikkonċernat, bil-għan li jiġi stabbilit ikunx raġonevoli;

Diversi kwestjonijiet oħra

35.

Jenfasizza li, flimkien mal-kriterji essenzjali, bħalma huma l-esperjenza u l-kompetenza, il-prestazzjoni mgħoddija, il-koordinazzjoni, id-djalogu u l-veloċità, il-kosteffettività wkoll trid tkun kriterju importanti biex jintgħażlu s-sħab; jilqa’ l-fatt li l-ECHO bħalissa qiegħda taħdem fuq l-iżvilupp ta’ sistema ta’ informazzjoni komparattiva fuq l-ispejjeż (‘Spiża Osservata għar-Riżultati’) ibbażata fuq spejjeż komparabbli tal-unitajiet; jenfasizza kemm hu importanti li l-informazzjoni pprovduta permezz ta' din l-għodda tintuża biex tiġi analizzata l-kosteffettività tal-proposti ta' proġetti;

36.

Jiġbed l-attenzjoni għat-tiżjid frekwenti tal-baġit tad-DĠ ECHO, jew permezz tal-użu tar-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza inkella permezz ta’ trasferimenti minn linji baġitarji oħra mill-intestatura tal-għajnuna esterna tal-FEŻ; iqis it-tiżjid fuq il-baġit bħala kwestjoni strutturali; jenfasizza l-bżonn li jitfassal baġit realistiku, fejn l-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet għad-diżastri naturali jew għall-azzjonijiet umanitarji ssir fuq il-bażi tal-esperjenza kkonfermata tal-infiq li jkun sar fis-snin ta’ qabel;

37.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tirreaġixxi kontra ż-żieda fid-diżastri naturali kbar; ifakkar, f'din il-perspettiva, li l-Parlament ilu ħafna snin jitlob li jsir baġit umanitarju aktar realistiku fl-interess li jiġi rimedjat in-nuqqas kroniku li hemm fil-finanzjament tal-linji baġitarji relevanti, li jkun jagħmilha ħaġa possibbli li tiġi pprovduta ftit libertà finanzjarja matul is-sena baġitarja, kif ukoll li jinżamm bilanċ koerenti bejn il-finanzjament ta' miżuri għall-prevenzjoni tad-diżastri umanitarji u ta' miżuri biex jiġu żgurati reazzjonijiet rapidi għal sitwazzjonijiet ta' urġenza, sew jekk ikollhom kawżi naturali sew jekk ikunu pprovokati mill-bniedem;

38.

Jilqa' l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 li jipprevedi żieda fil-baġit tal-istrument ta' għajnuna umanitarja, li tammonta għal EUR 6,4 biljuni għal dan il-perjodu (jiġifieri medja annwali ta' EUR 915-il miljun meta mqabbla ma' EUR 813-il miljun għall-2007-2013); josserva wkoll b'sodisfazzjon iż-żieda fir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza għall-istess perjodu, li ġġibha għal EUR 2,5 biljun, kif ukoll il-proposta li l-fondi li ma jkunux intużaw fir-riżerva jiġu trasferiti għas-sena ta' wara, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-fondi jibqgħu jiġu allokati prinċipalment għall-bżonnijiet umanitarji urġenti;

39.

Jitlob li l-baġit tal-UE jappoġġa azzjonijiet imfassla biex jantiċipaw id-diżastri, iħejju għalihom, jevitawhom u jirreaġixxu għalihom b'aktar ħeffa, kif ukoll miżuri biex tiġi żgurata flessibilità akbar fil-varar ta’ miżuri għall-iżvilupp bħala mezz ta' ħruġ minn sitwazzjonijiet ta' kriżi; jiddispjaċih li l-progress konkret fuq il-kollegament bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp għadu limitat minkejja l-ħafna impenji politiċi li ttieħdu matul dawn l-aħħar snin;

40.

Jitlob għalhekk li jkunu jintużaw aktar riżorsi u li dawn ikunu ġestiti aħjar sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-għajnuna matul il-fażi ta' tranżizzjoni bejn emerġenza u żvilupp, u jiġi ddedikat ħsieb biex tintlaħaq iktar flessibilità u komplementarjetà tal-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti, b'mod partikolari fil-qafas tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi jew reġjuni tal-FEŻ u tal-Istrument Finanzjarju tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; jappella biex wieħed jieħu ħsieb b'mod partikolari lit-tfal, kif ukoll lin-nisa tqal u lill-ommijiet ta' tfal żgħar, inkwantu provvisti ta' ikel, ħwejjeġ, evakwazzjoni u trasport, kif ukoll faċilitajiet mediċi, sabiex ikunu evitati t-tqala mhux mixtieqa u l-mard li jiġi trażmess sesswalment, bħala oqsma prijoritarji skont il-mekkaniżmi finanzjarji attwali;

41.

Jirrakkomanda li l-punt ta’ konċentrazzjoni primarja ta’ din il-fażi tranżizzjonali orjentata lejn ir-rijabilitazzjoni bejn l-għajnuna ta' urġenza u l-iżvilupp għandu jkun il-bini tal-kapaċità fl-istituzzjonijiet lokali u livell għoli ta’ involviment tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-assoċjazzjonijiet lokali fil-fażijiet tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni sabiex tiġi iffaċilitata u mibnija bażi għal programmi ta' żvilupp uman ta' kwalità għolja u effikaċi;

42.

Jikkunsidra li hemm viżibilità sodisfaċenti għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-ECHO; jagħraf is-sinifikat tal-miżuri għall-iżgurar tal-viżibilità f'dawk li huma l-obbligu li jingħata rendikont u l-għajnuna biex jtinaqqas ir-riskju tal-finanzjament doppju; jenfasizza li din ma għandhiex issir mezz ta’ promozzjoni tal-marka għall-aġenziji umanitarji u ma għandhiex tirriżulta f’sitwazzjoni fejn niex jikkompetu għall-viżibilità spejjeż tas-sodisfar tal-ħtiġijiet ġenwini tal-benefiċjarji;

43.

Iqis li r-rwol li kulma jmur qed dejjem jikber mogħti lill-konsorzja għandu effett potenzjalment pożittiv f’dawk li huma tkabbir tal-iskala tar-reazzjoni umanitarja u titjib tal-koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida aktar ċara biex tiggarantixxi t-trasparenza u tiżgura li l-konsorzja ma jaffettwawx b’mod negattiv id-diversità tal-komunità tal-NGOs, b’referenza partikolari għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar u dawk ta’ daqs medju;

Il-ħtieġa ta’ sostenibilità, koerenza u kumplementarjetà

44.

Jiġbed l-attenzjoni għas-sinifikat li fiha r-rabta bejn l-għajnuna ta’ urġenza, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD) bil-għan li jissaħħew ir-rabtiet bejn l-għajnuna ta’ urġenza, l-irkupru u l-iżvilupp u biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr intoppi mill-għajnuna umanitajra għall-għajnuna għall-iżvilupp; jenfasizza li għad hemm wisq xogħol xi jsir biex jittejbu l-koordinazzjoni, l-effiċjenza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-LRRD;

45.

Jilqa’ l-fatt li d-DĠ ECHO jippromwovi t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri (TRD) permezz tal-programm DIPECHO u bħala parti integrali tal-azzjonijiet umanitarji;

46.

Jistieden lid-DĠ ECHO jiffoka aktar mill-qrib fuq is-sostenibilità tal-azzjonijiet umanitarji; iħeġġeġ lid-DĠ ECHO u lis-servizzi rilevanti l-oħra tal-Kummissjoni jpoġġu enfasi akbar fuq it-TRD u fuq l-istat ta' tħejjija għad-diżastri, isaħħu r-reżiljenza tal-popolazzjoni li tinsab f'riskju permezz tal-bini tal-kapaċità, miżuri ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni pubblika, u jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta' twissija bikrija f'pajjiżi li għandhom tendenza li jintlaqtu minn diżastri u f'pajjiżi li huma milquta minn xi kriżi, bil-għan li jkunu jistgħu jirreaġġixxu kif suppost;

47.

Jemmen li s-sensitività u l-għarfien kulturali huma fattur ewlieni biex titwassal għajnuna umanitarja effettiva; jenfasizza, pereżempju, li l-prodotti mwassla waqt azzjonijiet umanitarji jridu jkunu adattati u aċċettabbli għall-popolazzjoni lokali;

48.

Jistieden lid-DĠ ECHO tikkunsidra bl-attenzjoni l-effetti negattivi possibbli tal-għajnuna umanitarja; jirrimarka li, pereżempju, għajnuna żejda f’sura ta’ ikel tista’ tiskoraġġixxi l-produzzjoni tal-ikel lokal u jkollha effett negattiv fuq is-swieq lokali, u b’hekk tipperikola s-sigurtà tal-ikel għall-ġejjieni l-bogħod;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koerenza u kumplementarjetà aħjar bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, kemm fil-livell ta' politika kif ukoll fil-prattika;

50.

Jemmen li l-kriżi tal-ikel akuta li għaddejja bħalissa fil-Qarn tal-Afrika hija wkoll il-konsegwenza traġika ta’ nuqqas ta’ koerenza u kumplementarjetà fil-għajnuna internazzjonali umanitarja u għall-iżvilupp; jirrimarka li, għall-kuntrarju tad-diżastri naturali, din kienet kriżi li stabbilixxiet ruħha ftit ftit u li eskalat gradwalment f’diżastru umanitarju; ifakkar li, sfortunatament, in-nixfiet u l-iskarsezzi tal-ikel ħadu karattru kroniku fil-Qarn tal-Afrika; jiddeplora l-fatt li, minkejja din ir-realtà u l-ammont vast ta’ għajnuna għall-iżvilupp li għadda għal ġor reġjun tul dawnl-aħħar deċennji, ma hemm l-ebda riżultati viżibbli f’dak li hu tisħiħ tal-awtosuffiċjenza tal-bdiewa lokali biex b’hekk tiġi żgurata s-sostenibilità;

Ħaiti u l-Pakistan

51.

Jiddispjaċih li s-sena 2010 se tibqa’ mfakkra bħala s-sena taż-żewġ megadiżastri: it-terremot devastanti ta’ Ħaiti, li warajh faqqgħet l-epidemija tal-kolera, u l-għargħar li qatt ma kien hemm bħalhom qabel fil-Pakistan;

52.

Jinnota li fl-2010 l-ECHO alloka EUR 122 miljun lil Ħaiti u EUR 150 miljun lill-Pakistan, u li l-għajnuna umanitarja allokata lill-Pakistan mill-ECHO kienet l-akbar intervent li qatt tmexxa f’sena waħda;

53.

Jagħraf il-fatt li l-iskala tad-diżastri u d-diffikultajiet inerenti, inklużi l-kwestjonijiet tal-aċċess fiżiku u tas-sigurtà, għamlu l-kundizzjonijiet estremament kumplessi; jirrimarka li ż-żewġ diżastri kixfu problemi simili;

54.

Jirrimarka li l-koordinazzjoni internazzjonali effiċjenti hija prerekwiżit essenzjali għal għajnuna umanitarja effiċjenti u effikaċi, jagħraf il-valur miżjud li wieħed jopera – kif ukoll il-ħtieġa li wieħed jopera – taħt l-umbrella tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) waqt operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja;

55.

Jinnota li l-Kummissjoni tipprovdi lill-OCHA appoġġ sinifikanti; jiddeplora l-fatt li l-esperjenza f’Ħaiti u fil-Pakistan enfasizzat li l-abilità ta' koordinazzjoni li għandu l-OCHA bħalissa hija waħda insuffiċjenti; jenfasizza li l-abilità tal-OCHA li jwettaq ir-rwol tiegħu ta’ koordinazzjoni ġiet imdgħajfa minn kapaċità baxxa, valutazzjoni inadegwata tal-ħtiġijiet u għodod elettroniċi li jiffunzjonaw biss parzjalment għall-ipproċessar tat-tagħrif;

56.

Jinnota li l-Kummissjoni pprovdiet lin-NU appoġġ sinifikanti fl-isforzi tagħha biex tiżviluppa u timplimenta s-sistema tar-raggruppamenti (cluster); jenfasizza li ż-żewġ diżastri rrivelaw li għad hemm ħafna xogħol xi jsir biex jittejbu l-effiċjenza, l-effikaċja u l-koordinazzjoni tagħha u biex jiġu msaħħa s-sjieda u l-obbligu li jingħata rendikont;

57.

Jirrimarka li l-Kummissjoni ma pprovdietx lir-rapporteur tal-Parlament in-narrativa finali u r-rapporti finanzjarji tas-sħab tal-ECHO dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet umanitarji wara li kienu seħħew il-katastrofi f'Ħaiti u fil-Pakistan fl-2010, għar-raġuni li kienu jinkludu tagħrif sensittiv dwar is-sħab tal-ECHO; jenfasizza li l-Parlament irid ikollu aċċess għal tali rapporti, jew tal-anqas il-fatti prinċipali dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, bil-għan li jkun jista' jsir ġudizzju dwar jekk ġewx amministrati finanzjarjament tajjeb;

58.

Jirrimarka li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit se jibgħat delegazzjoni lejn Ħaiti fid-dawl tal-problemi rappurtati f’konnessjoni mal-għajnuna allokata għal Ħaiti;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tqajjem il-kwestjonijiet li jirrigwardaw in-NU mal-korpi relevanti tan-NU;

*

* *

60.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(4)  Testi adottati P7_TA(2011)0404.

(5)  Testi adottati P7_TA(2011)0018.

(6)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 5.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2011)0005.

(8)  ĠU L 252, 25.9.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 1.

(10)  ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.

(11)  ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/32


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv

P7_TA(2012)0021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar “Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għar-Rimedju Kollettiv” (2011/2089(INI))

2013/C 239 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2011 jismu 'Konsultazzjoni Pubblika: Lejn Approċċ Ewropew Koerenti għal Rimedju Kollettiv' (SEC(2011)0173),

wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Dokument ta' Gwida jismu 'Il-kwantifikazzjoni tal-ħsara f'azzjonijiet għad-danni bbażati fuq infrazzjoni tal-Artikolu 101 jew 102', ippubblikat mill-Kummissjoni f'Ġunju 2011,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (1),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni tal-Kummissjoni għad-diskussjoni dwar is-segwitu għall-Green Paper dwar “Ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi” fl-2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (2),

wara li kkunsidra l-Green Paper tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi (COM(2008)0794),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2009 (3),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),

wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar "Strateġija ġdida għas-Suq Uniku",

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2007 jisimha 'L-istrateġija tal-UE fil-politika tagħha dwar il-konsumatur għall-perijodu 2007-2013: Tisħiħ tal-possibbiltajiet ta' azzjoni tal-konsumaturi, titjib tal-benessri tagħhom, u l-protezzjoni effettiva tagħhom' (COM(2007)0099),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi kwistjonijiet ċivili, kummerċjali u familjari (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-Istati Membri, l-impatt tagħha fuq il-medjazzjoni u l-adozzjoni tagħha mill-qrati (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, kif ukoll l-Opinjonijiet tal-Kumitat għaas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0012/2012),

A.

billi fiz-zona Ewropea ta' ġustizzja, iċ-ċittadini u l-kumpaniji m'għandhomx biss igawdu d-drittijiet tagħhom iżda għandhom ukoll ikunu jistgħu jsaħħu dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u effiċjenti;

B.

billi l-liġi tal-UE adottata reċentement intgħażlet biex il-partijiet, f'sitwazzjoni transkonfinali, ikunu jistgħu jew isaħħu d-drittijiet tagħhom b'mod effikaċi (6) jew ifittxu soluzzjoni barra l-qrati permezz ta' medjazzjoni (7),

C.

billi l-benefiċċji tal-metodu għar-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim hemm qbil dwarhom u l-aċċess ġust għall-ġustizzja għandu jibqa' disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

D.

billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar “L-attitudnijiet tal-konsumatur lejn kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur” ta' Marzu 2011, 79 % tal-konsumaturi Ewropej jaqblu li jkunu aktar disposti jiddefendu jeddijiethom il-qorti jekk ikunu jistgħu jingħaqdu ma' konsumaturi oħrajn li jilmentaw dwar l-istess kwestjoni;

E.

billi l-konsumaturi milquta minn ksur tal-liġi, li jixtiequ jiftħu kawża l-qorti biex jiksbu rimedju fuq bażi individwali kemm-il darba jaffrontaw ostakoli sinifikanti rigward l-aċċessibilità, l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet minħabba l-ispejjeż tal-litigazzjoni li xi drabi jkunu għoljin, l-ispejjeż psikoloġiċi potenzjali, il-proċeduri kumplessi u twal, u n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mezzi ta' rimedju disponibbli,

F.

billi, meta grupp ta' ċittadini jkun vittma tal-istess ksur, kawżi individwali jistgħu ma jikkostitwixxux mezz effikaċi biex jitwaqqfu prattiki illegali jew biex jinkiseb kumpens, partikolarment jekk it-telfa individwali tkun żgħira meta mqabbla mal-ispejjeż ta' litigazzjoni;

G.

billi f'xi Stati Membri l-prestazzjoni globali tal-applikazzjoni tal-għodod eżistenti ta' rimedju tal-konsumatur u tal-infurzar imfassla f'livell tal-UE mhijiex meqjusa sodisfaċenti, jew tali mekkaniżmi mhumiex magħrufa biżżejjed, li jirriżulta fl-użu limitat tagħhom;

H.

billi l-integrazzjoni tas-swieq Ewropej u ż-żieda konsegwenti fl-attivitajiet transkonfinali jenfasizzaw il-ħtieġa ta' approċċ koerenti mifrux mal-UE biex jiġu indirizzati każijiet fejn il-konsumaturi jibqgħu b'xejn minħabba li l-proċeduri għat-talba kollettiva ta' rimedju permezz ta' rikors għal kumpens li ġew introdotti f'għadd ta' Stati Membri ma jipprovdux soluzzjonijiet transkonfinali;

I.

billi l-awtoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej għandhom rwol kruċjali fl-infurzar tal-liġi tal-UE, u l-infurzar privat għandu biss jissupplementa, iżda mhux jissostitwixxi, l-infurzar pubbliku;

J.

billi l-eżekuzzjoni pubblika għall-waqfien tal-ksur u l-impożizzjoni tal-multi fiha nnifisha ma tippermettix li l-konsumaturi jkunu kkumpensati għad-danni li jkunu soffrew;

K.

billi r-raggruppar tat-talbiet fi proċedura unika ta' rimedju kollettiv, jew il-fatt li talba bħal din tkun tista' titressaq minn entità jew korp rappreżentattiv li jaġixxi fl-interess pubbliku, jista' jissemplifika l-proċess u jnaqqas l-ispejjeż għall-partijiet involuti;

L.

billi sistema bbażata fuq azzjonijiet legali kollettivi tista' tissupplementa b'mod utli, iżda ma tissostitwixxix, protezzjoni legali individwali;

M.

billi l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fir-rigward ta' kull proposta li ma taqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni;

1.

Jilqa' l-konsultazzjoni orizzontali msemmija hawn fuq u jenfasizza li l-vittmi ta' prattiki illegali – ċittadini u kumpaniji milquta bl-istess mod – għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens għat-telf jew id-dannu individwali li jġarrbu, b'mod partikolari fil-każ ta' danni diffużi u mifruxa, fejn jista' jkun li r-riskju tal-ispiża jkun sproporzjonat għad-danni mġarrba;

2.

Jinnota l-isforzi li saru mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tiġi limitata l-litigazzjoni frivola u l-abbuż mis-sistema ta' azzjoni rappreżentattiva tal-Istati Uniti (8), u jenfasizza li l-Ewropa għandha tevita li tintroduċi sistema ta' azzjoni rappreżentattiva bħal tal-Istati Uniti jew kwalunkwe sistema li ma tosservax it-tradizzjonijiet ġuridiċi Ewropej;

3.

Jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri li jsaħħu jeddijiet il-vittmi tal-imġiba illeċita billi ddaħħlet leġiżlazzjoni, jew ġie ppjanat li tiddaħħal leġiżlazzjoni, li għandha t-tir li tiffaċilita r-rimedju waqt li tkun evitata kultura ta' litigazzjoni abużiva, imma wkoll jirrikonoxxi li l-mekkaniżmi nazzjonali ta' rimedju kollettiv huma diverġenti bil-wisq, l-aktar f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u karatteristiċi proċedurali, li għandu mnejn jimminaw il-godiment tal-jeddijiet miċ-ċittadini;

4.

Jilqa' ħidmet il-Kummissjoni favur approċċ Ewropew koerenti għar-rimedju kollettiv u jitlob lill-Kummissjoni tiddimostra fil-valutazzjoni tagħha tal-impatt li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija meħtieġa azzjoni f'livell ta' UE ħalli jitjieb il-qafas regolatorju kurrenti tal-UE ħalli jkun permess lill-vittmi ta' ksur tad-Dritt tal-UE li jkunu kkumpensati għad-dannu soffert u b'hekk ikun hemm kontribut għall-fiduċja tal-konsumatur u għall-funzjonament aktar lixx tas-suq intern;

5.

Jisħaq dwar il-benefiċċji possibbli tal-azzjonijiet ġudizzjarji kollettivi f'termini ta' kostijiet aktar baxxi u ċertezza ġuridika għall-atturi, il-konvenuti u s-sistema ġudizzjarja billi tkun evitata litigazzjoni parallela ta' pretiżi li jkunu simili;

6.

Jemmen, fir-rigward tas-settur tal-kompetizzjoni, li infurzar pubbliku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, sabiex jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi tal-UE u jkun żgurat l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali;

7.

Ifakkar li, attwalment, l-Istati Membri biss jilleġiżlaw dwar ir-regoli nazzjonali biex jiġi kkwantifikat l-ammont ta' kumpens li jista' jingħata; barra minn hekk jinnota li l-infurzar tal-liġi nazzjonali m'għandux iwaqqaf l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tifli bir-reqqa il-bażi ġuridika xierqa għall-miżuri kollha fil-qasam tar-rimedju kollettiv;

9.

Jinnota li l-informazzjoni disponibbli sa issa, l-aktar studju magħmul fl-2008 għad-DĠ SANCO jismu “Evalwazzjoni tal-effettività u l-effiċjenza ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv fl-UE”, jindika li ebda mekkaniżmu mill-mekkaniżmi ta' rimedju eżistenti fl-UE ma ġġenera konsegwenzi ekonomiċi sproporzjonati;

Il-liġi tal-UE eżistenti u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni

10.

Jinnota li ċerti mekkaniżmi ta' eżekuzzjoni għal każijiet individwali, bħalma hi d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati, li ġa jeżistu f'livell ta' UE u jemmen li, b'mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar jipprovdi aċċess effiċjenti u effikaċi għall-ġustizzja billi jissemplifika l-litigazzjoni transkonfinali li tinvolvi talbiet li jammontaw għal inqas minn EUR 2 000, imma jinnota li din il-leġiżlazzjoni mhijiex intiża għall-għoti ta' aċċess effikaċi għall-ġustizzja f'każijiet fejn għadd kbri ta' vittmi jsoffru dannu simili;

11.

Huwa tal-fehma li r-rimedju b'inġunzjoni jista' wkoll ikollu rwol importanti fil-ħarsien tal-jeddijiet li ċ-ċittadini u l-kumpaniji jgawdu skont il-liġi tal-UE u jemmen li l-mekkaniżmi introdotti skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (9), kif ukoll id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, jistgħu jittejbu b'mod sinifikanti sabiex jiġu promossi l-koperazzjoni u r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

12.

Huwa tal-fehma li n-neċessità għal titjib fir-rimedji għal kumpens skont l-inġunzjoni hija partikolarment kbira fil-qasam tal-ambjent; jitlob lill-Kummissjoni tesplora mezzi kif jingħata rimedju lil dak is-settur;

13.

Iqis li r-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni għandu jkun ikkonċentrat fuq il-ħarsien kemm tal-interessi tal-individwu kemm dawk pubbliċi, u jitlob għal kawtela meta jiżdied l-aċċess għall-ġustizzja tal-organizzazzjonijiet, billi l-organizzazzjonijiet m'għandhomx igawdu minn aċċess aktar faċli għall-ġustizzja milli jgawdu l-individwi;

14.

Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u żżid l-effikaċja ta' strumenti eżistenti bħad-Direttiva 98/27/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jiġi żgurat l-infurzar pubbliku xieraq tad-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE; jisħaq, minkejja dan, li la d-Direttiva 98/27/KE u lanqas ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 ma jippermettu li l-konsumaturi jiġu kkumpensati għad-dannu mġarrab;

Qafas orizzontali u salvagwardji vinkolanti

15.

Huwa tal-fehma li l-aċċess għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv jidħol fl-isfera tad-Dritt Proċedurali u huwa mħasseb li l-inizjattivi mhux koordinati tal-UE fil-qasam tar-rimedju kollettiv se jwasslu għal frammentazzjoni tad-Drittijiet proċedurali u tad-danni nazzjonali, li mbagħad idgħajfu flok ma jsaħħu l-aċċess għall-ġustizzja fl-UE; jitlob li, fil-każ li tittieħed deċiżjoni wara kunsiderazzjoni dettaljata li l-iskema tal-Unjoni ta' rimedju kollettiv hija meħtieġa u mixtieqa, kull proposta fil-qasam tar-rimedju kollettiv tieħu s-sura ta' qafas orizzontali li jkun jinkludi ġabra ta' prinċipji komuni li jipprovdu aċċess uniformi għall-ġustizzja permezz tar-rimedju kollettiv fl-UE u jkun jittratta b'mod speċifiku għad li mhux esklużiv l-infrazzjonijiet ta' jeddijiet il-konsumatur;

16.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li ttieħed debita kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet u l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri individwali u li jittejjeb il-koordinament tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri, u jemmen li x-xogħol fuq skema tal-UE li tkun trawwem ir-rimedju effettiv kemm għall-konsumaturi kemm għall-SMEs ma għandhiex tikkawża dewmien fl-adozzjoni tal-qafas orizzontali;

17.

Jenfasizza li kull qafas orizzontali vinkolanti għandu jkopri l-aspetti essenzjali tal-otteniment kollettiv tad-danni; jisħaq, barra minn hekk, li b'mod partikolari kwestjoniet ta' Dritt Proċedurali u ta' dak Internazzjonali Privat għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollettivi b'mod ġenerali irrispettivament mis-settur li jkun, filwaqt li għadd limitat ta' regoli rilevanti għall-ħarsien tal-konsumatur jew għad-Dritt tal-Kompetizzjoni, li jittrattaw materji bħalma huwa l-potenzjali effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, kif preskritt, ngħidu aħna, f'artikoli jew kapitoli separati tal-istrument orizzontali nnifsu jew fi strumenti ġuridiċi separati b'mod parallel jew sussegwenti għall-adozzjoni tal-istrument orizzontali;

18.

Jemmen li d-dannu jew it-telf li jġarrab individwu għandu rwol kruċjali biex jiġi deċiż jekk jinbdewx proċeduri quddiem qorti f'dan ir-rigward billi dawn b'mod inevitabbli jitqabblu mal-kostijiet potenzjali inkorsi meta wieħed jipproċedi b'azzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta' qafas orizzontali dwar ir-rimedju kollettiv bħala għodda effiċjenti u effikaċi skont il-kost għall-partijiet kollha u huwa tal-fehma li r-regoli proċedurali nazzjonali fl-Istati Membri jistgħu jużaw ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bħala riferiment għall-finijiet tar-rimedju kollettiv f'każijiet fejn il-valur tal-pretiża ma joħroġx mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-regolament;

19.

Iqis li l-azzjoni kollettiva skont strument orizzontali twassal l-akbar benefiċċju f'każijiet fejn il-konvenut u l-vittmi rrappreżentati ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat Membru (dimensjoni transkonfinali) u fejn ikun hemm allegat ksur tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE (ksur tad-Dritt tal-UE); jitlob li jkun hemm analiżi ulterjuri dwar kif jitjieb ir-rimedju f'każijiet ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt nazzjonali li jista' jkollhom implikazzjonijiet wisgħin u transfruntieri;

20.

Itenni li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji fl-istrument orizzontali ħalli jiġu evitati talbiet mhux meritevoli u l-użu ħażin tar-rimedju kollettiv, ħalli jiġu ggarantiti proċedimenti ġusti, u jenfasizza li tali salvagwardji jridu jkopru, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

Locus standi:

sabiex azzjoni rappreżentattiva tkun ammissibbli jrid ikun hemm grupp identifikat b'mod ċar, u l-identifikazzjoni tal-membri tal-grupp trid issir qabel ma tiġi ppreżentata t-talba;

l-approċċ Ewropew lejn ir-rimedju kollettiv jinbena fuq il-prinċipju opt-in, li bih il-vittmi jkunu identifikati b'mod ċar u jieħdu sehem fil-proċedura biss jekk ikunu wrew biċ-ċar ix-xewqa tagħhom li jagħmlu dan, ħalli jiġu evitati abbużi potenzjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sistemi nazzjonali eżistenti skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema li tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-potenzjali vittmi involuti, iżżid il-kwalità rappreżentattiva tal-azzjonijiet kollettivi, tippermetti lill-akbar għadd ta' vittmi li jfittxu kumpens u tiżgura aċċess aċċess sempliċi, mhux għoli, u effikaċi għall-ġustizzja għaċ-ċittadini tal-UE, ħalli b'hekk jiġu evitati l-litigazzjoni eċċessiva u azzjonijiet sussegwenti individwali jew kollettivi mhux neċessarji dwar l-istess ksur; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmi effiċjenti li jiżguraw li jiġu informati kemm jsita' jkun vittmi u jkunu konxji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu ddomiċiljati f'diversi Stati Membri filwaqt li jiġi evitat li ssir ħsara bla bżonn lir-reputazzjoni tal-parti kkontestata, biex jiġi rispettat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

sistema ta' rimedju kollettiv fejn il-vittmi ma jkunux identifikati qabel ma tingħata s-sentenza għandha tkun riġettata abbażi li tmur kontra l-ordinament ġuridiku ta' ħafna Stati Membri u tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' kwalunkwe vittma possiblment parteċipi fil-proċediment mingħajr ma tkun taf u xorta waħda tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti;

l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mħallef jew korp simili jibqa' jkollu setgħat diskrezzjonali li jieħdu l-forma ta' verifika preliminari tal-ammissibilità ta' kull azzjoni kollettiva potenzjali ħalli jikkonferma li l-kriterji ta' kwalifika jkunu ġew sodisfatti u li l-azzjoni timmerita li tipproċedi;

l-Istati Membri għandhom jaħtru organizzazzjonijiet kwalifikati biex jintavolaw azzjonijiet rappreżentattivi, kriterji Ewropej jkunu utli għad-definizzjoni ċara ta' dawn l-entitajiet kwalifikati; dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi iżda jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar biex jiġi żgurat li tiġi evitata l-litigazzjoni abbużiva kif ukoll li l-aċċess għall-ġustizzja jingħata; tali kriterji għandhom ikopru, inter alia, ir-riżorsi finanzjarji u dawk umani tal-organizzazzjonijiet leġittimati;

f'kull każ, il-vittmi għandhom ikunu liberi li jfittxu l-alternattiva ta' rimedju għal kumpens individwali quddiem qorti kompetenti;

Kumpens sħiħ għad-dannu proprju

il-qafas orizzontali għandu jkopri l-kumpens biss għad-dannu li tabilħaqq ikun ġie kkawżat, u d-danni punittivi jridu jkunu pprojbiti; skont il-prinċipju tal-kunċett ta' kumpens, id-danni riżarċiti għandhom jitqassmu lill-vittmi individwali skont il-ħsara li jkunu ġarrbu individwalment; inġenerali, il-ħlasijiet ta' kontinġenza mhumiex applikabbli fl-Ewropa u m'għandhomx jifformaw parti minn qafas orizzontali mandatorju;

Aċċess għall-provi

rikorrenti kollettivi m'għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar minn rikorrenti individwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-evidenza min-naħa tal-konvenut, u kull rikorrent għandu jipprovdi evidenza għat-talba tiegħu; l-obbligu li jiġu żvelati dokumenti lir-rikorrenti (“skoperta”) b'mod ġenerali mhux applikabbli fl-Ewropa u ma jridux ikunu jifformaw parti mill-qafas orizzontali;

il-prinċipju ta' min jitlef iħallas

ma jista' jkun hemm l-ebda azzjoni mingħajr riskju finanzjarju, u l-Istati Membri jridu jiddeterminaw ir-regoli tagħhom stess għall-allokazzjoni tal-kostijiet, u li skont it-termini tagħhom il-parti li ma tkunx irnexxiet ikollha jissopporta l-ispejjeż tal-parti avversa biex b'hekk tkun evitata l-proliferazzjoni ta' pretiżi mingħajr meritu f'mekkaniżmu tal-UE għar-rimedju kollettiv;

Ebda finanzjament tal-parti terza

il-Kummissjoni ma tridx tistabbilixxi xi kundizzjonijiet jew linji gwida fir-rigward tal-finanzjament ta' pretiżi għal danni, billi r-rikors għall-finanzjament min-naħa ta' terzi huwa skonoxxut fl-ordinamenti ġuridiċi ta' bosta Stati Membri, ngħidu aħna, permezz tal-offerta ta' sehem mid-danni mirbuħin; dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jiddelinjaw kondizzjonijiet jew linji gwida għall-finanzjament tal-azzjonijiet għad-danni;

21.

Jissuġġerixxi li, jekk kemm-il darba l-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas orizzontali li jkun jirregola r-rimedju kollettiv, għandu jkun adottat prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu fejn xieraq li l-eżekuzzjoni privata fl-ambitu ta' rimedju kollettiv tista ssir jekk ikun hemm deċiżjoni preċedenti ta' vjolazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-awtorità kompetenti nazzjonali; jinnota li t-twaqqif tal-prinċipju tal-azzjoni ta' segwitu ġeneralment ma jipprekludix l-possibilità tad-dispożizzjoni kemm ta' azzjonijiet meħudin mill-wieħed u azzjonijiet ta' segwitu;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mezzi kif tissensibilizza l-konsumaturi dwar id-disponibilità tal-mekkaniżmi ta' rimedju u tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-entitajiet kwalifikati li jintavolaw azzjonijiet kollettivi; jinsisti li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC- European Consumer Centres) jista' jkollhom rwol kruċjali fil-mogħdija ta' informazzjoni lill-akbar possibbli ta' vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-Dritt tal-UE;

23.

Jenfasizza li ħafna mill-ksur tad-Dritt tal-Unjoni identifikat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-miżuri tal-UE għall-ħarsien tal-konsumatur jitlob it-tisħiħ tar-rimedju b'mandat ta' inibizzjoni (10), filwaqt li jirrikonoxxi li l-provvediment inġuntiv ma huwiex biżżejjed meta l-vittmi jkunu sofrew preġudizzju u jkollhom jedd għal kumpens; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-leġiżlazzjoni tal-UE li tippreżenta diffikultajiet fl-otteniment ta' rimedju kumpensatorju;

24.

Iqis li dan għandu jsir ħalli jinstabu oqsma fejn il-qafas orizzontali jista' jagħti rimedju kompensatorju kollettiv għall-ksur ta' tali leġiżlazzjoni, kif ukoll għall-ksur tad-Dritt tal-UE tal-antitrust; jitlob biex il-liġi tal-UE rilevanti tiġi elenkata f'anness tal-istrument orizzontali;

Metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR)

25.

Jindika li l-mekkaniżmi tal-ADR ħafna drabi jiddependu mir-rieda tal-kummerċjant li jikkoopera u jemmen li d-disponibilità ta' sistema effettiva ta' rimedju ġudizzjarju tkun inċentiv b'saħħtu biex il-partijiet jaslu li jittransiġu extraġudizzjarjament, li x'aktarx jevita ħafna litigazzjoni; jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' skemi ADR fil-livell Ewropew ħalli jkun hemm riżoluzzjoni tat-tilwim rapida u mhux għolja bħala opzjoni aktar attraenti mill-proċedimenti ġudizzjarji, u jissuġġerixxi li l-imħallfin li jkunu qed jagħmlu l-verifika preliminari għal azzjoni kollettiva għandu wkoll ikollhom s-setgħa jordnaw lill-partijiet involuti li l-ewwel ifittxu riżoluzzjoni kunsenswali kollettiva tat-talba qabel ma jibdew proċedimenti kollettivi fil-qorti; jemmen li l-kriterji żviluppati mill-Qorti (11) għandhom ikunu l-punt tat-tluq għall-istabbiliment ta' dan il-poter; madankollu jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jibqgħu, kif jindika sew l-isem, sempliċement alternattiva għar-rimedju ġudizzjarju, u mhux prekundizzjoni għall-istess;

Il-ġuriżdizzjoni u d-Dritt applikabbli

26.

Jisħaq li qafas orizzontali għandu minnu nnifsu jippreskrivi r-regoli għall-prevenzjoni tal-ġirja fuq il-qrati ('forum shopping') filwaqt li ma jkunx ipperikolat l-aċċess għall-ġustizzja, u li Brussell I għandha tittieħed bħala l-punt tat-tluq għad-determinazzjoni ta' liema qrati għandhom ġurisdizzjoni;

27.

Jitlob analiżi ulterjuri tal-mod kif jistgħu jiġu emendati r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet; jemmen li waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li tiġi applikata l-liġi tal-post fejn il-maġġoranza tal-vittmi jkunu ddomiċiljati, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-vittmi individwali għandhom jibqgħu jkunu liberi li ma jeħdux azzjoni kollettiva “opt-in” iżda minflok jitolbu kumpens b'mod individwali f'konformità mar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali privat stabbiliti fir-Regolamenti Brussell I, Ruma I u Ruma II;

28.

Jisħaq li wara d-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża C-360/09, Pfleiderer, il-Kummissjoni obbligata tiżgura li r-rimedju kollettiv ma jkunx jikkomprometti l-effikaċja tas-sistema tar-rtubija tad-dritt tal-kompetizzjoni u l-proċedura ta' riżoluzzjoni;

Proċedura leġiżlattiva ordinarja

29.

Jinsisti li l-Parlament Ewropew għandu jiġi involut, fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva fil-qasam tar-rimedju kollettiv u li kull proposta għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni dettaljata tal-impatt;

*

* *

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-livell Komunitarju.


(1)  ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.

(2)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 161.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0023.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2011)0449.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0361.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1); ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p.1); ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15).

(7)  Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136, 24.05.2008, p. 3).

(8)  Wal-Mart Stores Inc. vs Dukes et al. 564 U. S. xxx (2011).

(9)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(10)  Studju dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jfittxu li jiksbu rimedju għal ksur tal-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur, u l-konsegwenzi ekonomiċi ta' tali problemi, Parti 1, Rapport ewlieni, 26 ta' Awwissu 2008, Parti I: Rapport Prinċipali, p. 21 et seq.

(11)  Sentenza tat-18 ta' Marzu 2010 fil-Kawżi Magħquda C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08, Alassini, għadhom mhumiex irrappurtati fil-Ġabra.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/39


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Lista ta' affermazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni"

P7_TA(2012)0022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni

2013/C 239 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1),

wara li kkundidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-13 ta' Ottubru 2011 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel approvati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tal-14 ta' Diċembru 2007 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, kif dikjarat fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel m'għandhomx ikunu foloz, ambigwi jew qarrieqa;

B.

billi, kif dikjarat ukoll fl-Artikolu 5, paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel jiġu biss permessi jekk il-konsumatur medju jkun mistenni li jifhem l-effetti pożittivi kif espressi fl-indikazzjoni;

C.

billi, kif imniżżel fl-Artikolu 9, paragrafu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, indikazzjonijiet kumparattivi dwar in-nutrizzjoni jqabblu l-kompożizzjoni tal-ikel ikkonċernat ma' varjetà ta' ikel tal-istess kategorija, inkluż ikel ta' marki oħra;

D.

billi, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, informazzjoni dwar l-ikel m'għandhiex tiżgwida lill-konsumatur dwar in-natura, il-proprjetajiet u l-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel;

E.

billi, minħabba l-prinċipji bażiċi li jmexxu l-għażla ta' indikazzjonijiet permessi dwar in-nutrizzjoni fuq prodotti tal-ikel, kif imniżżel hawn fuq, l-indikazzjoni l-ġdida dwar in-nutrizzjoni proposta mill-Kummissjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" li trid tiġi inkluża fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tmur kontra l-għan u l-kontenut tal-att legali bażiku minħabba li hi ambigwa, tiżgwida u toħloq konfużjoni għall-konsumatur;

F.

billi, l-indikazzjoni li għada kif ġiet introdotta "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tmur kontra l-prinċipju ta' indikazzjonijiet kumparattivi kif imniżżel fl-Artikolu 9, paragrafu 2 tar-Regolament (KE)Nru 1924/2006; billi din tippermetti li jkunu mqabbla l-valuri nutrittivi ta' prodott miegħu innifsu, indipendentement mil-livell inizjali ta' nutrijent ikkonċernat, li jista' jkun eċċessivament għoli meta mqabbel ma' prodotti oħra fis-suq; billi dawk il-prodotti li ma ġewx riformulati imma xorta waħda għandhom livell inqas ta' nutrijent partikolari minn prodott riformulat ta' marka differenti ma jkunux jistgħu jġibu indikazzjoni ta' nutrizzjoni, dan inevitabbilment jiżgwida lill-konsumaturi;

G.

billi, l-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tista' toħloq kompetizzjoni inġusta għal indikazzjonijiet eżistenti bħal "[nutrijent] imnaqqas" u indikazzjonijiet ta' "light/lite"; billi għal dan tal-aħħar hu meħtieġ tnaqqis ta' mill-inqas 10% (għall-mikronutrijenti), ta' 25% (għas-sodju) jew 30% (għaz-zokkrijiet/xaħmijiet) meta mqabbel ma' prodotti simili oħra; billi konsumatur jista' jaħseb li d-dikjarazzjoni kwantifikata fl-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tfisser tnaqqis akbar minn dak li jkun hemm f'indikazzjoni "imnaqqas" jew "light", minkejja li r-rekwiżiti għal dawn l-indikazzjonijiet huma aktar stretti minn dawk ta' indikazzjoni li fiha "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]", li titlob biss tnaqqis minimu ta' 15%;

H.

billi, l-indikazzjoni "issa fih X% inqas ta' [nutrijent]" tista' toħloq diżinċentiv għall-produtturi meta jirriformulaw il-prodotti tagħhom b'mod aktar sostanzjali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għal "imnaqqas" jew "light" għaliex hu aktar faċli li tnaqqas nutrijent bi 15% milli bi 30%;

I.

billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod ċar, fil-Premessa 4 tal-abbozz ta' miżura li "... meta jitnaqqsu z-zokkrijiet, il-konsumaturi jistennew tnaqqis fil-valur tal-enerġija"; billi, fir-rigward tal-emenda proposta għall-indikazzjoni ta' 'xaħmijiet/zokkrijiet imnaqqsa' kif imniżżel fil-punt 2 tal-Anness għall-abbozz ta' miżura, il-Kummissjoni tippermetti wkoll li dawn l-indikazzjonijiet isiru anke meta l-valur tal-enerġija fil-prodott li jġib l-indikazzjoni tkun ugwali għall-valur tal-enerġija li hemm fi prodott simili;

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar il-lista ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni;

2.

Iqis li dan l-abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-objettiv u l-kontenut tal-istrument bażiku;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lill-Kumitat abbozz emendat tal-miżura;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  http://ec.europa.eu/food/food/labellingnutrition/claims/guidance_claim_14-12-07.pdf

(3)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/41


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012

P7_TA(2012)0023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012

2013/C 239 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta' Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro tad-9 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-gvern tar-Renju Unit,

wara li kkunsidra s-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiskali (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni fis-sessjoni tagħha tat-18 ta' Jannar 2012,

wara li kkunsidra r-riżultat tan-negozzjati miżmuma fil-Grupp ta' Ħidma ad hoc dwar l-Euro u fil-Grupp dwar l-Euro,

wara li kkunsidra l-bżonn li tiġi preservata l-unità bejn il-partijiet kontraenti taż-żona tal-euro u dawk mhux taż-żona tal-euro,

wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f’isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu fil-grupp ta’ ħidma ad hoc,

wara li kkunsira r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2012 dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.

Jafferma mill-ġdid ir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2012, filwaqt li jinnota t-test finali tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja filwaqt li jtenni l-opinjoni tiegħu li kien ikun aħjar li kieku ntlaħaq ftehim skont il-liġi tal-UE; jiddispjaċih li ma kienx possibbli jintlaħaq l-ftehim mill-Istati Membri kollha minħabba l-oġġezzjoni tal-Prim Ministru tar-Renju Unit;

2.

Jinnota, madankollu, li virtwalment l-elementi kollha li jinsabu fit-Trattat il-ġdid jistgħu jintlaħqu, u fil-parti l-kbira tagħhom diġà ntlaħqu, fi ħdan il-qafas legali eżistenti tal-UE u permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja, minbarra 'r-regola tad-deheb', il-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata invertita u l-involviment tal-Qorti tal-Ġustizzja;

3.

Jemmen li t-test finali jtejjeb it-test oriġinali f'diversi punti u li numru ta' modifikazzjonijiet proposti mill-Parlament ġew inkorporati, partikolarment:

l-impriża li fiha l-metodu tal-Komunità japplika bis-sħiħ;

li l-istabbiltà, il-koordinament u l-governanza jiġu implimentati permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja, u billi jinvolvu bis-sħiħ lill-Parlament;

il-koerenza akbar, għalkemm mhux kompluta, bejn is-‘six pack’ u t-Trattat il-ġdid;

ir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-partijiet kontraenti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro biex jieħdu sehem f'dawk is-sessjonijiet tas-summit tal-euro li jittrattaw il-kompetittività, l-istruttura globali taż-żona euro u r-regoli fundamentali li se japplikaw għaliha fil-futur;

il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali huwa previst fuq bażi maqbula u f'konformità mat-Trattat;

iż-żieda ta' referenza għall-għanijiet tat-tkabbir sostenibbli, tal-impjiegi, tal-kompetittività u tal-koeżjoni soċjali;

l-obbligu li jiġi inkorporat il-kontenut tal-Ftehim fil-qafas legali tal-UE fi żmien ħames snin;

4.

Jirrikonoxxi li l-istabbiltà fiskali hija komponent importanti fir-riżoluzzjoni tal-kriżi attwali; isostni, madankollu, li l-irkupru ekonomiku jeħtieġ miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u jagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u lill-impjiegi; jilqa' l-fatt li l-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi dan, iżda jsostni l-bżonn ta' miżuri konkreti u profondi;

5.

Itenni s-sejħa tiegħu għat-twaqqif rapidu ta' fond tal-fidwa skont il-proposta tal-Kunsill Ekonomiku Ġermaniż ta' Esperti; jitlob l-integrazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni għaliex meħtieġ biex jipprovdi għal fond ta' fidwa preferibbilment fi ħdan il-proċess leġiżlattiv ‘two pack’ attwali; jiddispjaċih li dan għadu ma nbediex; jagħmel sejħa lill-Kummissioni sabiex tressaq miżuri b'saħħithom għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi;

6.

Isejjaħ sabiex, wara għadd ta' miżuri li ttieħdu biex jiżguraw l-istabbiltà fiskali, jitwaqqfu għadd ta' bonds ta' proġetti, u pjan ta' azzjoni għal bonds ta' stabbiltà u l-introduzzjoni ta' FTT fil-livell Ewropew, li għalihom il-Kummissjoni diġà għamlet proposta;

7.

Barra minn dan, jiġbed l-attenzjoni li hemm xi elementi importanti oħra neqsin fil-Ftehim il-ġdid:

l-evitar ta' standards doppji bejn in-normi tal-Ftehim u dawk fit-Trattat ta' Lisbona u li jinsabu fl-'acquis communautaire';

il-partijiet kontraenti għall-ftehim kollha, kemm il-membri tal-euro attwali kif ukoll dawk futuri, għandu jkollhom l-istess dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-laqgħat kollha tas-summit tal-euro;

8.

Jiddispjaċih għall-fatt li t-test finali ma jirriflettix it-talba tal-Parlament għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-President tiegħu fil-laqgħat informali tas-summit tal-euro; isostni li għandha tiġi estiża sejħa permanenti għall-parteċipazzjoni sħiħa mill-president-elett tas-summits tal-euro;

9.

Isostni li l-partijiet kontraenti jirrispettaw bis-sħiħ l-impenn tagħhom li jiġi integrat, fi żmien mhux aktar minn ħames snin, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinament u l-Governanza fit-trattati tal-UE u jitlob li n-nuqqasijiet li baqa' fit-Trattat ta' Lisbona jiġu trattati f'din l-okkażjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Grupp tal-Euro, lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


(1)  Regolament dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri, (COM(2011)0819), u Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, (COM(2011)0821).

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0002.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/43


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
L-Iran u l-programm nukleari tiegħu

P7_TA(2012)0024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu

2013/C 239 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-22 ta' Jannar 2011, f'isem il-pajjiżi tal-E3+3 wara t-taħdidiet li saru f'Istanbul mal-Iran, fil-21 u t-22 ta' Jannar 2011,

wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Ottubru 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE lis-Segretarju tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, Saeed Jalili,

wara li kkunsidra r-rapport tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tat-8 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPT u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà for-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA tat-18 ta' Novembru 2011,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-18 ta' Novembru 2011 dwar ir-riżoluzzjoni tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tad-29 ta' Novembru 2011 dwar l-attakk u s-sakkeġġ tal-Ambaxxata tar-Renju Unit f'Teheran,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-14 ta' Novembru 2011, l-1 ta' Diċembru 2011 u t-23 ta' Jannar 2012,

wara li kkunsidra l-impenn tal-Iran għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), għall-ħtieġa li l-Istati Parti kollha għal dan it-Trattat jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi kollha tagħhom, u għad-dritt tal-Istati Parti, b'konformità mal-Artikoli I u II tat-Trattat, li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi mingħajr diskriminazzjoni,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin lill-Kunsill dwar politika konsistenti fil-konfront ta’ reġimi li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fil-fruntieri tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Iran, bir-ratifika tat-TNP, irrinunzja għall-akkwist ta' armi nukleari u huwa marbut legalment li jiddikjara u jqiegħed l-attività nukleari tiegħu kollha, inkluż il-materjal nukleari, fis-salvagwardja tal-IAEA;

B.

billi l-Iran għad irid jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN (UNSC) rilevanti, li l-aktar waħda riċenti fosthom hija r-Riżoluzzjoni 1929 (2010), u r-rekwiżiti kollha tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA, li jindikaw aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet mill-Aġenzija għas-siti kollha, għat-tagħmir, għan-nies u għad-dokumenti kollha li jippermettu spezzjoni xierqa tal-programm nukleari tal-Iran u jkunu jippermettu lill-IAEA twettaq ir-rwol tagħha bħala l-għassiesa nukleari,

C.

billi r-rapport tal-IAEA ta' Novembru 2011 jesprimi ‘tħassib serju rigward possibbiltà ta’ dimensjonijiet militari għall-programm nukleari tal-Iran’ minħabba li ‘ċerti attivitajiet’‘rilevanti għall-iżvilupp ta’ apparat esplożiv nukleari’‘jista’ jkun li għadhom għaddejjin’;

D.

billi fis-27 ta' Diċembru 2011 il-Viċi President Iranjan, Reza Rahimi, hedded li juża l-forza militari biex jagħlaq l-Istrett ta' Hormuz jekk jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt tal-Iran; billi kien hemm użu addizzjonali tal-forzi navali Ewropej u tal-Istati Uniti biex jiġġieldu kontra din it-theddida u l-istatus militari sar wieħed ta' ‘allarm qawwi’ fir-reġjun kollu;

E.

billi, bi ksur tal-obbligi tiegħu skont it-TNP, l-Iran bena bil-moħbi impjant ta' arrikkiment ġewwa Fordow, viċin Qom, u għarraf lill-IAEA bl-eżistenza tiegħu ħafna wara li kien beda jinbena; billi dan l-approċċ sigriet idgħajjef ulterjorment il-fiduċja fl-assigurazzjonijiet Iranjani dwar in-natura purament ċivili tal-programm nukleari tiegħu;

F.

billi fil-5 ta' Jannar 2012 il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Ahmet Davutoğlu, bagħat stedina mir-Rappreżentant Għoli tal-UE lill-Iran biex ikompli d-diskussjonijiet nukleari mal-E3+3; billi waqt iż-żjara tal-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Ali Akbar Salehi, stqarr illi l-Iran huwa lest li jkompli d-diskussjonijiet;

G.

billi l-Ministri Barranin tal-UE qablu fuq miżuri ristrettivi addizzjonali kontra l-Iran fis-settur tal-enerġija, inkluż embargo gradwali fuq importazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum Iranjan lejn l-UE, fis-settur finanzjarju, inkluż kontra l-Bank Ċentrali tal-Iran, u fis-settur tat-trasport kif ukoll restrizzjonijiet oħrajn fuq l-esportazzjonijiet, b'mod partikulari fuq id-deheb u fuq il-prodotti u t-teknoloġija sensittivi b'użu doppju, u t-tismija addizzjonali ta' persuni u entitajiet, inklużi diversi li huma kkontrollati mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC);

H.

billi l-Kunsill tenna mill-ġdid l-impenn li jaħdem għal soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari Iranjana f'konformità mal-approċċ fuq żewġ binarji;

I.

billi l-Kunsill afferma mill-ġdid li l-objettiv tal-UE jibqa' li tinkiseb soluzzjoni komprensiva u fit-tul li tibni l-fiduċja internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan, filwaqt li jiġu rrispettati d-dritt leġittimu tal-Iran għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari f'konformità mat-TNP;

1.

Hu jtenni li r-riskji ta' proliferazzjoni b'konnessjoni mal-programmi nukleari Iranjani jiqbgħu sors ta' tħassib serju gaħll-UE u jinsab imħasseb ħafna bid-dikjarazzjoni tar-rapport tal-IAEA li informazzjoni kredibbli ‘tindika li l-Iran wettaq attivitajiet rilevanti għall-iżvilupp ta' apparat nukleari splussiv’;

2.

Jiddeplora bil-kbir l-aċċellerazzjoni tal-attivitajiet ta' arrikkiment min-naħa tal-Iran, bi ksur ta' sitt riżoluzzjonijiet tal-KSNU u ħdax-il riżoluzzjoni tal-Bord tal-IAEA, kif juri l-bidu reċenti tal-operazzjonijiet ta' arrikkiment tal-uranju għal livell li jitla' sa 20% fil-faċilità taħt l-art ġewwa Fordow, qrib Qom;

3.

Jistieden mill-ġdid lill-Iran iwaqqaf l-iżvilupp tiegħu tat-teknoloġija ta' arrikkiment, li tmur ferm lil hinn mill-ħtieġa sabiex jiġu żgurati provvisti tal-fjuwil sikuri għal skopijiet ċivili, b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni għat-tħassib internazzjonali dwar intenzjonijiet militari klandestini;

4.

Jappoġġa l-miżuri restrittivi addizzjonali adottati mill-Kunsill kontra l-Iran fis-setturi tal-enerġija u dawk finanzjarji, kif ukoll is-sanzjonijiet addizzjonali kontra persuni u entitajiet, inklużi diversi kkontrollati mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC); jirrikonoxxi li sanzjonijiet u miżuri diplomatiċi jistgħu jkunu ta' għajnuna sabiex il-Gvern Iranjan jaċċetta u jirrispetta r-riżoluzzjonijiet tan-NU biex b'hekk jiġi evitat deterjorament ulterjuri; jinnota li s-sanzjonijiet mhumiex għan fihom infushom u li s'issa s-sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran għadhom ma laħqux il-miri msemmija;

5.

Itenni l-pożizzjoni li l-UE ilha li adottat, li l-kwistjonijiet pendenti mal-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu għandhom jiġu solvuti b'mod paċifiku u li m'hemmx soluzzjoni militari għall-konflitt;

6.

Jinnota li se jkun hemm embargo mifrux fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat Iranjan lejn l-UE u kuntratti diġà konklużi għadhom jistgħu jiġu estiżi sal-1 ta' Lulju 2012; jistieden lill-Kunsill jiddeċiedi dwar miżuri meħtieġa biex ipattu għall-impatt tal-embargo fuq l-Istati Membri differenti tal-UE;

7.

Jitlob li s-sanzjonijiet jew miżuri restrittivi għandhom ikunu proporzjonati u mmirati lejn l-objettiv mixtieq, bil-għan li jinfluwenzaw prinċipalment il-klassijiet privileġġati responsabbli tar-reġimi repressivi jew kriminali u l-atturi mhux statali responsabbli tal-istati falluti u biex jitnaqqas, kemm jista' jkun, l-impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet ċivili, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli;

8.

Jappoġġa l-impenn tal-Kunsill li jaħdem għal soluzzjoni diplomatika fil-kwistjoni nukleari Iranjana skont l-approċċ fuq żewġ binarji u l-objettiv tal-UE li tikseb soluzzjoni komprensiva u fit-tul; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jwieġbu b'mod pożittiv għall-offerta għal negozjati sostanzjali, kif stabbilit fl-ittra tar-Rappreżetant Għoli tal-UE tal-21 ta' Ottubru 2011, billi juru b'mod ċar li huma lesti jimpenjaw ruħhom f'miżuri li jibnu l-fiduċja u, mingħajr prekondizzjonijiet, f'diskussjonijiet bis-sens sabiex jiġi indirizzat it-tħassib eżistenti dwar il-kwistjoni nukleari;

9.

Jerġa' jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jissodisfaw l-obbligi tal-Iran skont l-NPT; iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern Iranjani jirratifikaw u jimplimentaw il-Protokoll Addizzjonali u jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Salvagwardja;

10.

Jilqa' l-fatt li l-Iran qabel li jilqa' delegazzjoni għolja tal-IAEA għal spezzjonijiet, li titmexxa mill-Viċi Direttur Ġenerali Herman Nackaerts, bejn id-29 u l-31 ta' Jannar 2012;

11.

Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Iran biex jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha, b'mod partikolari dawk li qegħdin jagħtu lok għat-tħassib dwar id-dimensjonijiet militari possibbli tal-programm nukleari Iranjan, inkluż l-għoti mingħajr dewmien ta' aċċess għas-siti kollha, it-tagħmir, il-persuni u d-dokumenti rikjesti mill-IAEA, u biex ma joġġezzjonax għall-ħatra tal-ispetturi; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-IAEA jkollha r-riżorsi neċessarji kollha u l-awtorità għat-twettiq ta' xogħolha ġewwa l-Iran;

12.

Jappoġġa l-isforzi tal-IAEA għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-programm nukleari tal-Iran sabiex tipprovdi lill-komunità internazzjonali b'deskrizzjoni preċiża tas-sitwazzjoni;

13.

Jirrikonoxxi li d-djalogu u l-kooperazzjoni mat-Turkija jista' jkollhom rwol importanti fir-rigward tas-sejba ta' soluzzjoni;

14.

Jikkundanna bil-qawwa t-theddida Iranjana ta' għeluq tal-Istrett ta' Hormuz; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani ma jimblukkawx l-Istrett ta' Hormuz; jemmen li tali att jista' jwassal għal kunflitt reġjonali u joħloq ritaljazzjoni mill-komunità internazzjonali;

15.

Jiddispjaċih dwar ir-rifjut kontinwu taċ-Ċina u r-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jappoġġaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran; jistieden lir-Russja twaqqaf l-għajnuna għall-iżvilupp nukleari tal-Iran sakemm l-Iran ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;

16.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq l-ambaxxata tar-Renju Unit f'Teheran fid-29 ta' Novembru 2011; jistieden lill-Gvern Iranjan jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluża l-Konvenzjoni ta' Vjenna, biex jipproteġi d-diplomati u l-ambaxxati;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/46


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

P7_TA(2012)0025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (2011/2087(INI))

2013/C 239 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Jannar 2011 bl-isem ta’ “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (COM(2011)0012),

wara li kkunsidra l-White Paper dwar l-Isport tal-Kummissjoni (COM(2007)0391),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Nissieltu kontra l-korruzzjoni fl-UE” (COM(2011)0308),

wara li kkunsidra ż-żewġ konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-vjolenza u l-imġiba ħażina tal-ispettaturi matul avvenimenti sportivi tad-19 ta' Awwissu 1985 u kontra d-doping tad-19 ta' Awwissu 1990,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar in-nisa u l-isport (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-22 ta' April 2004 dwar ir-rispett għall-istandards fundamentali tax-xogħol fil-produzzjoni ta' prodotti sportivi għal-Logħob Olimpiku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ April 2005 dwar id-doping fl-isport (3),

wara li kkunsidra d-dikkjarazzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu fil-futbol (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-prostituzzjoni sfurzata fil-qafas tal-manifestazzjonijiet sportivi internazzjonali (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar il-futur tal-futbol professjonali fl- Ewropa (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 bl-isem ta’ “White Paper dwar l-Isport ” (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 (11),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar appoġġ akbar mill-Unjoni Ewropea għall-isports popolari (12),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/37/KE tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta’ Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (13),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-istrateġija l-ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Ġunju 2011 dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (14),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Punta de l’Este ta’ Diċembru 1999 u l-laqgħa madwar mejda tonda tal-UNESCO dwar sports u logħob tradizzjonali (TSG) (15), li tittratta r-rikonoxximent tal-isport u l-logħob tradizzjonali bħala parti mill-wirt intanġibbli u simbolu ta’ diversità kulturali,

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropew u tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-isport,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Isport (Jump in Olympia – Strong(er) Women through Sport),

wara li kkunsidra l-Karta għal Azzjoni biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru fl-isport,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 19 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (16) tal-11 sat-12 ta’ Ottubru 2011 u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” (17),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0385/2011),

A.

billi l-isport jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni, billi huwa jenfasizza l-valuri pedogaġiċi u kulturali fundamentali u billi huwa mezz ta’ integrazzjoni ladarba huwa jindirizza liċ-ċittadini kollha, indipendentement mis-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-età, in-nazzjonalità u l-kundizzjoni soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

B.

billi n-natura speċifika tal-isport għandha tieħu preċedenza fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-isport,

C.

billi l-partijiet interessati kollha, inklużi dawk li jfasslu l-politika, għandhom iqisu n-natura speċifika tal-isport, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq l-attività volontarja u l-funzjonijiet soċjali u edukattivi tiegħu;

D.

billi l-ispeċifiċità tal-isport tiġi ddefinita bħala l-grupp ta’ aspetti uniċi u essenzjali tal-isport li jiddistingwuh minn kwalunkwe settur ieħor ta’ attivitajiet, inklużi l-attivitajiet ekonomiċi; billi madankollu għandu jiġi soġġett għal-Liġi tal-Unjoni Ewropea fejn ikun xieraq u meħtieġ, u skont il-każ;

E.

billi l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport għandha dejjem tkun tqis l-osservanza tal-aspetti soċjali, edukattivi u kulturali tiegħu;

F.

billi skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-isport huwa kompetenza tal-UE mmirata biex tippromwovi l-ġustizzja u t-trasparenza f’kompetizzjonijiet sportivi, il-kooperazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli għall-isport, il-ħarsien tal-integrità fiżika u morali ta’ persuni sportivi, filwaqt li ttejjeb il-benefiċċji relatati mas-saħħa u l-vantaġġi soċjali, kulturali u ekonomċi tal-isport u tirrikjedi appoġġ finanzjaru u politiku xieraq;

G.

billi l-isport jagħti kontribut enormi lill-valuri bħall-fair play, ir-rispett u l-inklużjoni soċjali;

H.

billi biljuni ta’ nies mad-dinja kollha jipprattikaw sport li ġie kkreat, ikkodifikat jew li xxerred fl-Ewropa u jinnota wkoll li l-moviment Olimpiku modern inħoloq fi Franza mill-Baruni Pierre De Coubertin;

I.

billi l-Politika tal-UE għall-Isport għandha tiġi żviluppata sabiex tindirizza u tappoġġa l-miri u l-objettivi kemm tal-isport professjonali kif ukoll dak tad-dilettanti;

J.

billi l-appoġġ għall-isport u l-promozzjoni tiegħu fir-rigward ta’ nies b’diżabilità intellettwali jew fiżika għandhom ikunu prijorità fl-UE meta jiġu kkunsidrati l-irwol importanti tiegħu fil-kisba tal-inklużjoni soċjali, is-saħħa pubblika u l-volontarjat transkonfinali;

K.

billi fl-Ewropa l-volontarjat huwa l-pedament tal-biċċa l-kbira tal-isport tad-dilettanti;

L.

billi l-35 miljun voluntier u billi l-klabbs u l-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitti jippermettu l-iżvilupp tal-isport ta’ bażi, u t-tixrid ta’ ideali sportivi;

M.

billi l-isport huwa deċiżiv għas-saħħa fis-soċjetà moderna u, permezz tal-irwol tiegħu fl-edukazzjoni formali u dik mhux formali, jikkostitwixxi element essenzjali għal edukazzjoni ta’ kwalità, u jikkontribwixxi għall-issodisfar personali taċ-ċittadini anzjani;

N.

billi l-promozzjoni ta’ attivitajiet fiżiċi u sportivi tikkontribwixxi għall-iffrankar kbir fin-nefqa pubblika fir-rigward tas-saħħa;

O.

billi fattur ewlieni li jimmotiva liċ-ċittadin jipparteċipa fl-isport u fl-attività fiżika huwa t-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-individwu;

P.

billi l-prattiki marbuta mat-teħid tad-drogi jmorru kontra l-valuri tal-isport u jesponu lill-isportivi għal perikli serji, u jikkawżaw ħsara serja u permanenti lis-saħħa;

Q.

billi l-isport ta’ livell għoli jenfasizza wħud mill-iktar valuri fundamentali tiegħu u jestendihom fi ħdan is-soċjetà, fejn jippromwovi l-fatt li wieħed jipprattika l-isport;

R.

billi s-sitwazzjoni ta’ diversi atleti ta’ livell għoli li jkunu waslu biex itemmu l-karriera sportiva tagħhom hija waħda prekarja;

S.

billi jqis li huwa fundamentali li l-atleti jitħejjew għal sessjonijiet ġodda ta’ taħriġ professjonali billi jitħallew jibbenefikaw minn tagħlim ġenerali jew minn taħriġ professjonali fl-istess ħin li jkunu qed jirċievu t-taħriġ sportiv tagħhom;

T.

billi jeħtieġ li jitħarsu u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-isportivi;

U.

billi hemm il-potenzjal li jiżviluppaw atti ta’ vjolenza, verbali u fiżiċi, u avvenimenti diskriminatorji waqt kompetizzjonijiet sportivi;

V.

billi l-prattika tal-isport min-nisa ma tingħatax biżżejjed importanza u billi n-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fi ħdan il-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi;

W.

billi l-attivitajiet sportivi jirrikjedu strutturi, impjanti, tagħmir speċifiku u adegwat u li anke l-iskejjel għandu jkollhom impjanti adegwati biex jippromwovu l-edukazzjoni fiżika;

X.

billi l-isport jokkupa post importanti fl-ekonomija Ewropea ladarba huwa jirrappreżenta, direttament jew indirettament, madwar 15-il miljun impjieg, jiġifieri 5.4% tal-popolazzjoni attiva u valur miżjud annwali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 407 biljun, jiġifieri 3.65% tal-PGD Ewropew, billi b’dan il-mod il-popolarità tal-isport, li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tiżdied, qed tikkontribwixxi ekonomikament biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

Y.

billi l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-organizzazzjonijiet sportivi u l-popolarità tal-piraterija diġitali, b’mod partikolari t-trażmissjoni mhux awtorizzata tal-avvenimenti sportivi lajv, ipoġġi fil-periklu l-ekonomija tas-settur sportiv kollu;

Z.

billi l-isport ma joperax bħal settur tipiku tal-ekonomija minħabba l-interdipendenza tal-opponenti u l-bilanċ kompetittiv meħtieġ sabiex tinżamm l-inċertezza tar-riżultati;

AA.

billi l-isport ma jaħdimx bħal attività ekonomika tipika minħabba l-karatteristiċi speċifiċi u l-istrutturi tal-organizzazzjoni tiegħu megħjuna mill-federazzjonijiet, li ma joperawx bħala kumpaniji kummerċjali, u billi trid issir distinzjoni bejn interessi sportivi u kummerċjali;

AB.

billi d-djalogu soċjali Ewropew jista’ jkollu rwol importanti u b’hekk jixraq li jiġi promoss;

AC.

billi l-isport għandu rwol importamti u jġib il-ferħ lil ħafna ċittadini sew jekk huma parteċipanti, partitarji jew spettaturi;

AD.

billi l-avvenimenti sportivi ewlenin u l-prattika tal-isport jipprovdu potenzjal qawwi għal aktar żvilupp tat-turiżmu fl-Ewropa, li jista’ jippromwovi l-valuri u l-prinċipji marbuta mal-isport;

AE.

billi l-mudell sportiv Ewropew huwa bbażat fuq federazzjoni skont id-dixxiplina sportiva, u billi mekkaniżmi ta’ solidarjetà sportiva u finanzjarja, bħalma huma l-prinċipji ta’ promozzjoni u ta’ relegejxin, tal-kompetizzjonijiet miftuħin fejn jikkoeżistu klabbs u timijiet nazzjonali, huma organizzati fuq bażi awtonoma, demokratika u territorjali u fi struttura ta' piramida, bħala riżultat ta' tradizzjoni demokratika antika;

AF.

billi t-trasparenza u r-responsabilità demokratika fi klabbs sportivi jistgħu jittejbu bl-involviment ta’ partitarji fis-sjieda u fit-tmexxija tal-klabbs tagħhom;

AG.

billi l-organizzazzjonijiet sportivi tradizzjonali u popolari għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kultura, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-komunitajiet;

AH.

billi t-timijiet nazzjonali għandhom rwol essenzjali, billi l-kompetizzjonijiet internazzjonali jibqgħu jservu ta’ referenza, u jkun tajjeb li wieħed jiġġieled kontra n-“naturalizzazzjoni ta’ konvenjenza”;

AI.

billi n-natura nnifisha tal-kompetizzjonijiet bejn it-timijiet nazzjonali timplika li l-federazzjonijiet u l-klabbs sportivi jistgħu jippromwovu t-taħriġ tal-isportivi nazzjonali;

AJ.

billi l-isport professjonali u popolari huma vulnerabbli għan-nuqqas ta’ stabilità finanzjarja u qed jiġu affettwati minnha b'mod gravi, u billi hija r-responsabilità tal-federazzjonijiet inkwistjoni li jħeġġu l-klabbs biex iħaddnu kultura ta’ ppjanar u ta’ investiment raġonevoli;

AK.

billi t-trasferimenti internazzjonali jistgħu jkunu ta’ periklu għal atleti żgħażagħ, minħabba l-falliment fl-isport, il-firda mill-familja u l-marġinalizzazzjoni soċjali li huma wħud miċ-ċirkostanzi li jistgħu jirriżultaw meta atleti żgħażagħ jitilqu mid-dar minn età daqshekk bikrija;

AL.

billi l-federazzjonijiet sportivi m’għandhomx mezzi strutturali u legali biex jaġixxu b’mod effikaċi kontra x-xiri tal-logħob;

AM.

billi s-servizzi tal-logħob tal-azzard huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u d-Direttiva l-ġdida dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83/UE), minħabba l-ispeċifiċità tagħhom;

AN.

billi l-finanzjament għall-isport popolari huwa assigurat biss jekk id-detenturi tal-liċenzji neċessarji tal-logħob tal-azzard nazzjonali, li jħallsu t-taxxi u jiffinanzjaw għanijiet ta' interess pubbliku oħra fl-Istati Membri, huma ġuridikament obbligati jħallsu imposti ta' 'interess pubbliku' u huma protetti kontra l-kompetizzjoni illegali;

AO.

billi r-regolazzjoni ta’ aġenti tal-plejers tirrikjedi azzjoni koordinata bejn il-korpi għar-regolazzjoni tal-isport u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet kontra aġenti u/jew intermedjarji li jiksru r-regoli;

AP.

billi l-isport jista’ jkollu rwol f’diversi oqsma fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, fost l-oħrajn permezz tad-diplomazija;

Rwol l-isport fis-soċjetà

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi baġit speċifiku u ambizzjuż għall-politika għall-isport skont l-MFF futur minħabba l-benefiċċji relatati mas-saħħa pubblika u l-vantaġġi soċjali, kulturali u ekonomiċi tal-isport;

2.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-edukazzjoni fiżika ssir suġġett obbligatorju tal-iskeda ta’ kull ġimgħa fit-tipi ta’ skola kollha, u jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ il-prattika tal-attivitajiet sportivi fil-livelli edukattivi kollha, sa mis-snin bikrin 'il quddiem, inkluż fi skejjel, universitajiet u komunitajiet lokali li għandhom jitħeġġu jkollhom faċilitajiet sportivi b'tagħmir adegwat;

3.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu linji gwida ċari sabiex l-isport u l-attività fiżika jiġu integrati fil-livelli kollha tal-edukazzjoni fl-Istati Membri kollha;

4.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni permezz tal-isport u l-potenzjal tal-isport li jgħin lil żgħażagħ soċjalment vulnerabbli jerġgħu jaqbdu d-direzzjoni t-tajba u jitlob lill-Istati Membri, lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, lil-ligs u lill-klabbs biex jiżviluppaw u jappoġġaw inizjattivi f’dan ir-rigward;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw il-koperazzjoni bejn l-iskejjel u l-għaqdiet sportivi; f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-funzjoni koordinattiva tagħha fil-qasam tal-isport sabiex tiġbor eżempji tal-“aqwa prattika” mill-Istati Membri u tagħmilhom aċċessibbli għal kull min ikun interessat madwar l-Ewropa kollha f’bażi tad-data ċentrali;

6.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-anzjani jieħdu sehem f’xi attività sportiva biex b’hekk jinħoloq sens ta’ benessri u livell għoli u tajjeb ta’ saħħa;

7.

Jenfasizza li l-isport f'kull età huwa qasam importanti li għandu potenzjal kbir ħafna li jżid il-livell tas-saħħa globali tal-Ewropej u jitlob għalhekk lill-UE u lill-Istati Membri jiffaċilitaw impenn fl-isports u jippromwovu stil ta' ħajja b'saħħtu fi sfruttament sħiħ tal-opportunitajiet għall-isports, u b'hekk inaqqsu l-infiq dovut għall-kura tas-saħħa;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b’aktar qawwa r-rwol tal-professjonisti tas-saħħa fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-isport u jeżaminaw kif il-fornituri tal-assigurazzjoni tas-saħħa jistgħu joffru inċentivi bħala mezz biex jinkoraġġixxu lin-nies jaqbdu attivitajiet sportivi;

9.

Jenfasizza l-importanza li l-isport ikun disponibbli għaċ-ċittadini kollha f’ambjenti differenti, sew jekk fl-iskola, ix-xogħol, bħala attività rikreattiva jew permezz ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet;

10.

Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet sportivi għal persuni b’diżabilità intellettwali jew fiżika fl-UE kollha; jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jiżviluppaw, filwaqt li jiffinanzjaw b'mod adegwat, attivitajiet ta' sports u kompetizzjonijiet sportivi fost il-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari billi jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar tagħmir sportiv mingħajr ħlas li jkun adattat għall-bżonnijiet tagħhom;

11.

Jenfasizza s-setgħa kbira ta' integrazzjoni soċjali li għandu l-isports f'bosta oqsma, inkluż l-involviment taċ-ċittadini u s-sens ta’ demokrazija, il-promozzjoni tas-saħħa, l-iżvilupp urban, l-integrazzjoni soċjali, is-suq tax-xogħol, l-impjiegi, il-kwalifiki u l-edukazzjoni;

12.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Komunitarji biex iżidu l-għotjiet tagħhom lill-organizzazzjonijiet li jfittxu li jintegraw lill-isportivi li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali jew li jippromwovu l-isport għall-persuni b’diżabilità fiżika jew mentali;

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-isport b’mod permanenti fil-programmi u s-servizzi għal integrazzjoni reali tal-gruppi kollha li jinsabu f'riskju ta' diskriminazzjoni u jitlob lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jadottaw programmi xierqa ta’ taħriġ għall-ħaddiema u l-voluntiera għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni jew razziżmu;

14.

Jenfasizza l-funzjoni eżemplari tal-isport lejn is-soċjetà u jħeġġeġ lil korpi għar-regolazzjoni tal-isport biex ikunu minn ta’ quddiem biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni istituzzjonali;

15.

Ifakkar li fl-isport m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn is-sessi u jinsisti dwar it-twessigħ tal-ambitu tal-Karta tal-Valuri Olimpiċi għall-avvenimenti sportivi kollha, b’mod partikolari għal dawk Ewropej;

16.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi nazzjonali li jirregolaw l-isport jimpenjaw ruħhom biex jaffrontaw l-omofobija u t-transfobija, kif ukoll jimplimentaw sew leġiżlazzjoni u politiki kontra d-diskriminazzjoni speċjalment għall-atleti leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru;

17.

Jappella lill-Istati Membri biex jenfasizzaw aktar l-importanza tal-edukazzjoni fiżika ta’ kwalità kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa u jissuġġerixxi li dawn jiżviluppaw l-istrateġiji meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kwistjoni;

18.

Jenfasizza li l-kompożizzjoni tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet sportivi għandha tirrifletti l-kompożizzjoni tal-assemblea ġenerali u l-proporzjon tan-numru tal-membri nisa u rġiel, biex b’hekk jiġi żgurat li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikollhom l-istess dritt għall-aċċess għall-pożizzjonijiet maniġerjali mal-awtoritajiet fil-livell tranżnazzjonali;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-importanza tal-isport bħala mezz li bih jiġu promossi l-paċi, l-iżvilupp ekonomiku, id-djalogu interkulturali, is-saħħa pubblika, l-integrazzjoni u l-emanċipazzjoni tal-mara;

20.

Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali biex waqt l-avvenimenti sportivi jiġu osservati r-regoli tal-Karta Olimpika, li tipprojbixxi kwalunkwe dimostrazzjoni u kwalunkwe propaganda politika, reliġjuża jew razzjali, iżda biex ikun żgurat ukoll li ma jkunx hemm pressjoni politika li twassal lin-nisa biex jiksru din ir-regola u li ma tiġix evitata r-regola billi n-nisa ma jintbagħtux għall-kompetizzjonijiet minn pajjiżhom;

21.

Jappella lill-organizzazzjonijiet biex ikomplu jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isports u fil-korpi ta' governanza tal-organizzazzjonijiet sportivi billi jiggarantixxu aċċess ekwu għall-attivitajiet sportivi, b'mod partikolari għal bniet u nisa bi sfond żvantaġġat, billi tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport u billi l-isport u r-riżultati tan-nisa u tal-irġiel jingħataw importanza u viżibilità indaqs; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri li jippermettu lill-atleti nisa joħolqu bilanċ bejn il-ħajja familjari u dik ta' sportivi professjonisti u biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki governattivi dwar l-isport; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prattiki relatati mal-opportunitajiet indaqs għall-persuni taż-żewġ sessi fl-isport;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-korpi Ewropej għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Karta Ewropea tad-drittijiet tan-nisa fl-isport;

23.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu l-għoti ta’ prominenza lis-sessi fl-attivitajiet relatati mal-isport kollha, b’attenzjoni speċifika fuq: l-aċċess għall-isport ta’ nisa migranti u nisa minn minoritajiet etniċi, l-aċċess tan-nisa għal karigi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isport u l-kopertura tal-midja ta’ nisa fl-isport, u biex jiżguraw li l-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-isport ikunu bbażati fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw u jinkoraġġixxu ir-riċerka Ewropea dwar l-ispeċifiċità tal-attività sportiva tan-nisa, dwar ir-raġunijiet li għalihom in-nisa jabbandunaw l-isport u dwar il-persistenza ta’ nuqqas ta’ ugwaljanzi fl-aċċess tan-nisa għall-isport;

25.

Jinkoraġġixxi l-ħolqien tan-netwerks tan-nisa fil-qasam tal-isport biex jippromwovu l-iskambju tal-aqwa prattiki u informazzjoni;

26.

Jenfasizza li l-projbizzjoni tal-ġenituri biex il-bniet immigranti ma jieħdux sehem fl-isport u fl-għawm fl-iskola ma tistax tiġi ttollerata jew skużata minħabba raġunijiet kulturali jew reliġjużi;

27.

Jindika li ħafna bniet jilagħbu sport fi tfulithom, ħafna jieqfu waqt l-addolexxenza; f'dan il-kuntest jirreferi għar-riċerka li turi li l-bniet jaffaċċjaw pressjoni espliċita jew sottili minn pari u mill-familji biex "jiffemminizzaw" jew jassumu responsabilitajiet li jipprojbixxu t-tkomplija tal-parteċipazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-korpi nazzjonali li jirregolaw l-isport jiżviluppaw strateġiji għall-programmi u kowċis għall-appoġġ, b'mod speċjali, tal-bniet interessati fl-isport biex jiżviluppaw identità atletika;

28.

Jinsisti dwar il-ħtieġa tal-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-atleti, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, permezz tal-prevenzjoni u tal-kampanji ta' informazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrattaw it-traffikar tas-sustanzi ta’ droga fid-dinja tal-isport bl-istess mod bħat-traffikar tad-drogi illegali u biex jadottaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex b'hekk tittejjeb il-koordinazzjoni Ewropea f'dan il-qasam; jappella lill-World Anti-Doping Agency biex toħloq sistema amministrattiva lokali li tkun preċiża u faċli biex tintuża f’konformità mal-liġi tal-UE, u jenfasizza l-bżonn ta' statistika dwar l-użu tad-doping u testijiet falluti biex jiġi stabbilit approċċ speċifiku għall-ġlieda kontra d-doping;

29.

Jemmen li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Kontra t-Teħid tad-Drogi tal-Kunsill tal-Ewropa hija pass meħtieġ sabiex tiġi kkoordinata implimentazzjoni aktar uniformi tal-kodiċi tal-WADA fl-Istati Membri;

30.

Jesprimi ruħu favur armonizzazzjoni ikbar tal-liġi biex ikun hemm koperazzjoni Ewropea effikaċi bejn il-pulizija u l-ġudikatura fil-ġlieda kontra t-teħid tad-drogi u forom oħra ta’ manipulazzjoni ta’ avvenimenti sportivi;

31.

Jappella lill-Istati Membri biex jitrattaw il-kwistjoni tal-vizzju tal-logħob tal-azzard u tal-protezzjoni tal-minorenni mir-riskji tal-logħob tal-azzard;

32.

Jesprimi ruħu favur l-istabbiliment ta’ regoli ċari għall-protezzjoni tal-minorenni fl-isport kompetittiv u favur l-iżvilupp ulterjuri ta' miżuri ta' protezzjoni vitali b'konsultazzjoni mal-federazzjonijiet;

33.

Jenfasizza l-importanza kritika ta' taħriġ doppju sportiv u vokazzjonali għal atleti żgħażagħ; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-protagonisti rilevanti kollha, jistabbilixxu linji gwida li jiżguraw li barra t-taħriġ tagħhom fl-isport, l-atleti żgħażagħ igawdu wkoll minn taħriġ skolastiku jew vokazzjonali konvenzjonali, li jkun iqis l-aħjar prattika eżistenti fl-Istati Membri individwali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'dan ir-rigward, jikkunsidraw l-esperjenza rilevanti tal-ex sportivi meta dawn ikunu jixtiequ jsiru kowċis, iwaqqfu setturi ta’ studju adattati għall-atleti ta’ livell għoli li jiddeċiedu jkomplu bl-edukazzjoni għolja u li l-esperjenza tagħhom tintuża għall-benefiċċju tal-isport b'mod ġenerali;

34.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi edukattivi mfassla biex jiffaċilitaw il-kombinazzjoni ta’ tagħlim u taħriġ għall-atleti professjonali;

35.

Jipproponi li jiġi stabbilit qafas għat- taħriġ u l-kwalifiki tal-kowċis u l-edukazzjoni tal-kowċ u jiġi inkorporat fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fil-Programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex tiġi żviluppata soċjetà msejsa fuq l-għarfien u tiġi żviluppata l-eċċelenza kemm fil-livell tad-dilettanti kif ukoll f’dak professjonali;

36.

Jenfasizza l-irwol tal-kowċis fl-iżvilupp u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, mhux biss fil-ħiliet sportivi imma wkoll fil-ħiliet tal-ħajja; jinnota li l-kowċis jistgħu jipprovdu gwida liż-żgħażagħ sabiex jiżviluppaw għajxien san;

37.

Jitlob lill-Istati Membri biex, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-federazzjonijiet rilevanti, jipprojbixxu l-aċċess għall-istadji lill-partitarji li jkunu wrew imġiba vjolenti jew diskriminatorja, u biex joħolqu approċċ ikkoordinat biex iwaqqfu u jinfurzaw sanzjonijiet kontrihom, jikkooperaw mill-qrib bejniethom biex dawn il-projbizzjonijiet japplikaw għal-logħob internazzjonali li jiġi organizzat fi Stati Membri oħrajn - fir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet individwali - u biex jistabbilixxu reġistru Ewropew tal-persuni li m’għandhomx permess jidħlu fl-istadji sabiex jaqsmu din l-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni permezz ta' sistema mtejba ta' twissija bikrija għal logħbiet b'riskju kbir;

38.

Jaqbel li l-Istati Membri, flimkien mal-federazzjonijiet sportivi Ewropej, jiżviluppaw standards minimi għas-sigurtà fl-istadji u jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ sigurtà possibbli kemm għall-isportivi kif ukoll għall-partitarji;

39.

Jindika li, meta l-isport isir f’ambjent naturali, għandu jiġi żgurat li jinstab bilanċ bejn il-benefiċċji soċjali tiegħu u s-saħħa tal-ambjent fejn isir;

40.

Jenfasizza l-potenzjal tal-avvenimenti sportivi għat-turiżmu fil-livell lokali u nazzjonali u jitlob lill-Istati Membri biex jgħinu l-iżvilupp ta’ dan il-qasam ta’ attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali;

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

41.

Jesprimi ruħu favur il-kunsiderazzjoni tan-natura partikolari tal-isport fil-kuntest tal-kwistjonijiet relatati mas-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni, u għalhekk iġedded it-talba tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea tadotta linji gwida għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-isport sabiex titneħħa l-inċertezza legali li teżisti rigward ħafna kwistjonijiet;

42.

Jinnota li l-isponsorizzazzjoni tipprovdi għajnuna finanzjarja vitali u bosta possibilitajiet fl-isport, f’konformità mal-prinċipji finanzjarji tal-fair play;

43.

Jitlob li kemm il-Kummissjoni Ewropea u kemm l-Istati Membri jagħtu attenzjoni kbira lill-attivitajiet volontarji fl-isport; Itenni l-importanza tal-attività volontarja fl-isport u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas ta' rikonoxximent soċjali u li jiġi żgurat taħriġ adegwat għall-voluntiera, jinsab favur skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jippromwovu l-volontarjat fl-isport u favur il-fattibilità ta' qafas legali u fiskali li jkun adegwat għall-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet sportivi;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu sistema ta' rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-volontiera u tal-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjonijiet regolamentati relatati mal-isports;

45.

Jenfasizza li r-rikonoxximent reċiproku tal-korsijiet u tat-taħriġ speċjalizzat fi ħdan qafas Ewropew magħqud għall-professjonisti li jaħdmu fl-isport bħala speċjalisti (referees, kowċijiet) huwa partikularment importanti għax jagħti kontribut fit-tul lejn żieda fil-kompetittività, li mbagħad din tal-aħħar tippermetti li jkun evitat telf qawwi fid-dħul;

46.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw edukazzjoni ogħla għall-isportivi u rikonoxximent armonizzat tal-kwalifiki tagħhom fl-isport u fl-edukazzjoni sabiex tittejjeb il-mobilità professjonali;

47.

Barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istrutturi għall-edukazzjoni tat-tieni ċans għall-ex sportivi u għall-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja tax-xogħol ta’ wara l-isport professjonali;

48.

Jistieden lill-Istati Membri jqisu mezzi kif itaffu l-piż finanzjarju fuq l-isportivi professjonisti bl-iktar pagi baxxi, li għandhom ħajja professjonali qasira u instabbli; Itenni li l-isportivi professjonisti, li huma kategorizzati bħala atelti, u li l-maġġoranza tal-qligħ tagħhom jiġi mill-isport, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet ta' sigurtà soċjali bħall-ħaddiema;

49.

Iqis li d-djalogu soċjali fl-isport huwa strument importanti biex jintlaħaq il-bilanċ bejn id-dritt fundamentali u d-drittijiet tal-impjieg tal-isportivi flimkien man-natura speċifika tal-isport;

50.

Jemmen li, fid-dimensjoni ekonomika tal-industrija sportiva f'evoluzzjoni kostanti, jeħtieġ titjib immedjat fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-isport f'oqsma kruċjali bħall-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi, il-libertà ta' stabbiliment, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat bil-għan li jiġi garantit li l-industrija tal-isport tieħu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern;

51.

Jenfasizza li l-isfruttament kummerċjali tad-drittijiet awdjoviżivi tal-kompetizzjonijiet sportivi fuq bażi kollettiva, esklużiva u territorjali huwa fundamentali, biex b’hekk jiġi garantit li l-qligħ jitqassam b'mod ġust bejn l-isport għal ftit parteċipanti u l-isport b'parteċipazzjoni tal-massa;

52.

Huwa tal-fehma li l-avvenimenti sportivi li huma meqjusa bħala importanti ħafna għas-soċjetà għandhom ikunu aċċessibbli għall-akbar firxa possibbli ta’ nies; jitlob lill-Istati li għadhom m’għamlux dan biex jieħdu miżuri biex jiżguraw li x-xandara taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jxandrux tali avvenimenti fuq bażi esklużiva;

53.

Jirrikonoxxi d-dritt tal-ġurnalisti li jaċċessaw u jirrapportaw dwar l-avvenimenti sportivi organizzati ta’ interess pubbliku sabiex jipproteġu d-dritt tal-pubbliku li jirċievi aħbarjiet u informazzjoni indipendenti dwar avvenimenti sportivi;

54.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu d-dritt tal-proprjetà intelletwali fuq il-kontenut sportiv f’konformità mad-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni;

55.

Iqis li l-imħatri sportivi jikkostitwixxu forma ta’ sfruttament kummerċjali tal-kompetizzjonijiet u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu lil dawn tal-aħħar minn kull użu mhux awtorizzat, minn operaturi mingħajr liċenzja u minn suspetti ta’ xiri tal-logħob, b’mod partikolari billi jirrikonoxxu d-dritt tal-proprjetà tal-organizzaturi fuq il-kompetizzjonijiet tagħhom, jiggarantixxu kontribut tal-operaturi tal-imħatri sportivi għall-finanzjament tal-isport b'parteċipazzjoni tal-massa u dak popolari u jipproteġu l-integrità tal-kompetizzjonijiet b'enfasi fuq l-edukazzjoni tal-atleti; iqis madankollu li tali drittijiet tal-proprjetà m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għad-dritt tar-rappurtar fil-qosor kif stipulat fid-Direttiva 2007/65/KE (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva);

56.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex hija tiddefinixxi l-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, billi jiġi ppreċiżat x’tip ta’ appoġġ pubbliku huwa legali sabiex jitwettqu l-missjonijiet soċjali, kulturali u edukattivi tal-isport;

57.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod effiċjenti kontra l-korruzzjoni u biex jissalvagwardjaw l-etika sportiva; iqis għaldaqstant li huwa indispensabbli li f’kull pajjiż jidħlu fis-seħħ regoli stretti ta’ kontroll finanzjarju tal-klabbs;

58.

Jinkoraġġixxi lill-assoċjazzjonijiet sportivi jikkoperaw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, fost affarijiet oħrajn, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex ikun hemm approċċ xieraq u effiċjenti fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob u frodi oħra fl-isport.

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri konkreti biex tassigura l-finanzjamenti tal-isport iġġenerat mil-lotteriji;

60.

Jindika li l-introduzzjoni mill-Kummissjoni tal-kontabilità satellitari fis-settur tal-isport huwa ferm f'waqtu, għaliex jippermetti li ssir evalwazzjoni fil-livell nazzjonali f'konformità ma' standards uniformi tal-attivitajiet marbuta mal-isport, li tagħmel possibbli l-kxif ta' anomaliji u tagħti valur miżjud lill-ekonomija Ewropea u lis-suq uniku;

61.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw b’mod konkret l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-koperazzjoni stretta fil-kamp tekniku u ta’ riċerka fil-qasam tal-isport;

62.

Iqis li r-rwol tal-entitajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport huwa fundamentali minħabba li l-kompiti istituzzjonali tagħhom jinkludu l-għoti ta' servizzi lill-pubbliku fil-qasam sportiv u l-allokazzjoni ta' finanzjament għall-attivitajiet sportivi u għall-faċilitajiet li jeħtieġu;

63.

Jinsisti li l-isport popolari għandu jibbenefika mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Soċjali Ewropew, li għandhom jippermettu li jsir investiment fl-infrastruttura sportiva, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-Unjoni bi programm tal-baġit speċifiku fil-qasam tal-isport, kif inhu possibbli issa taħt l-Artikolu 165 TFUE;

L-organizzazzjoni tal-isport

64.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrutturi sportivi fl-Ewropa huma bbażati fuq il-prinċipji tan-nazzjonalità u t-territorjalità;

65.

Jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu lejn il-mudell sportiv Ewropew, li fil-qalba tiegħu l-federazzjonijiet għandhom rwol ċentrali u li l-bażi tiegħu hija ffurmata minn protagonisti varji, inkluż partitarji, plejers, klabbs, leagues, assoċjazzjonijiet u voluntiera, li għandhom rwol fundamentali fl-appoġġ tal-istruttura tal-isport kollha kemm hi;

66.

Jitlob sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-volontiera fl-isport madwar l-UE;

67.

Jenfasizza l-irwol importanti tal-korpi lokali fil-promozzjoni tal-isport fis-soċjetà kollha u jappella lil dawn il-korpi biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-fora Ewropej għad-dibattitu u d-djalogu mmirati lejn id-dinja tal-isport;

68.

Ifakkar li l-governanza tajba fl-isport hija kundizzjoni għall-awtonomija u l-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi, f’konformità mal-prinċipji tat-trasparenza, tar-responsabilità u tad-demokrazija, u jenfasizza l-bżonn għal politika ta’ tolleranza zero fir-rigward tal-korruzzjoni fl-isport; jenfasizza l-bżonn għal rappreżentanza xierqa tal-partijiet interessati kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

69.

Jappella lill-Istati Membri u lill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport biex jistimulaw b’mod attiv l-irwol soċjali u demokratiku tal-partitarji sportivi li jappoġġaw il-prinċipji tal-fair play, billi jippromwovu l-involviment tagħhom fl-istrutturi ta’ sjieda u tmexxija fil-klabbs sportivi tagħhom u bħala partijiet interessati importanti fl-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport;

70.

Jafferma li l-klabbs sportivi għandhom iħallu l-plejers tagħhom jilagħbu meta dawn jintgħażlu għat-tim nazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għas-suċċess ta' turnaments prinċipali tat-tim nazzjonali, li jafu ma jkunux jinkludu mekkaniżmi ta' assigurazzjoni, u enfasizza li ma jistax jiġi applikat approċċ wieħed li japplika għall-isport kollu;

71.

Jenfasizza li t-taħriġ tal-plejers fil-livell lokali u l-investimenti fl-edukazzjoni tal-isport huma meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli tal-moviment sportiv fl-Ewropa u għat-tixrid tal-impatt pożittiv tiegħu fuq l-individwi u fuq is-soċjetà; iqis għalhekk li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-isport ta’ livell għoli ma jaffettwax l-iżvilupp tal-isportivi żgħażagħ, l-isport amatorjali u r-rwol essenzjali tal-organizzazzjonijiet tal-isport popolari; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm ekwivalenza u rikonoxximent ta’ diplomi jew kwalifiki fl-isport;

72.

Itenni għaldaqstant l-impenn tiegħu lejn ir-regola tal-“plejers imrawma domestikament”, u jqisha bħala mudell adattat anke għal leagues professjonali oħra fl-Ewropa; jemmen li għandhom jiżdiedu l-isforzi tal-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport li jinkoraġġixxu t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ lokali fi ħdan il-limiti tal-liġi tal-UE, u b’hekk isaħħu l-bilanċ kompetittiv fil-kompetizzjonijiet u l-iżvilupp b’saħħtu tal-mudell sportiv Ewropew;

73.

Iqis li l-iżvilupp ta’ talent ġdid huwa wieħed mill-attivitajiet kruċjali ta’ klabb sportiv, u li dipendenza żejda fuq it-trasferiment tal-plejers tista’ ddgħajjef il-valuri sportivi;

74.

Jenfasizza l-importanza tal-allowances tat-taħriġ billi huma jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ protezzjoni effikaċi taċ-ċentri tat-taħriġ u huma redditu ġust għall-investiment;

75.

Iqis li l-professjoni tal-aġenti sportivi għandha tkun attività professjonali regolata, u soġġetta għal kwalifiki uffiċjali adegwati, u li r-residenza fiskali tal-aġenti sportivi hħandha tkun fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet ta’ trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u timplimenta, b'kooperazzjoni mal-federazzjonijiet sportivi, mal-unjins tal-plejers u mal-assoċjazzjonijiet tal-aġenti, sistema ta' liċenzji u ta' reġistrazzjoni Ewropea, flimkien ma' kodiċi ta' mġiba u mekkaniżmu ta' sanzjonijiet;

76.

Jipproponi l-istabbiliment min-naħa tal-federazzjonijiet sportivi ta’ reġistru Ewropew mhux pubbliku tal-aġenti sportivi, li fih dawn l-aġenti jelenkaw l-ismijiet tal-plejers li huma jirrappreżentaw, sabiex jiġu protetti dawk l-atleti, b'mod partikolari dawk ta' taħt it-18-il sena, biex b’hekk jiġu limitati r-riskji ta’ kunflitt ta’ interess; huwa tal-fehma li l-ħlas tal-miżati tal-aġenti għat-trasferimenti għandu jsir f'għadd ta' rati tul id-dewmien tal-kuntratt, li jidħol fih l-atleta bħala riżultat ta' trasferiment, u l-ħlas sħiħ għandu jiddependi fuq jekk il-kuntratt iseħħx jew le;

77.

Jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu d-dispożizzjonijiet regolatorji eżistenti li jirregolaw lill-aġenti/intermedjarji tal-plejers b’sanzjonijiet deterrenti u biex jimplimentaw dawn is-sanzjonijiet b’mod rigoruż;

78.

Jitlob lill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport biex itejbu t-traparenza fir-rigward tal-attivitajiet tal-aġenti sportivi u biex jikkoperaw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġu eliminati l-prattiki ta’ korruzzjoni;

79.

Jinsab sodisfatt bl-istudju li ntalab mill-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku u ġudizzjarju tat-trasferimenti tal-plejers; iqis, barra minn hekk, li jixraq li jiġu appoġġati l-inizjattivi tal-federazzjonijiet sportivi bl-għan li l-ewwel u qabel kollox tiġi introdotta t-trasparenza fit-trasferimenti internazzjonali;

80.

Jesprimi l-fehma li s-sistemi implimentati mill-entitajiet ta’ tmexxija tal-isport, li jżidu t-trasparenza fit-trasferimenti internazzjonali tal-plejers, huma pass fid-direzzjoni t-tajba, billi jissodisfaw il-prinċipju ta’ governanza tajba u għandhom l-għan li jiżguraw l-integrità fil-kompetizzjonijiet sportivi;

81.

Juri biċ-ċar l-appoġġ tiegħu għas-sistemi tal-għoti tal-liċenzji u għall-fair play finanzjarju, minħabba li jħeġġu lill-klabbs jikkompetu skont il-kapaċità finanzjarja reali tagħhom;

82.

Iqis li dawn il-miżuri qed jgħinu biex titjieb il-governanza, tinżamm l-istabilità finanzjarja fit-tul u s-sostenibilità tal-klabbs u qed jikkontribwixxu biex ikun hemm ġustizzja finanzjarja fil-kompetizzjonijiet Ewropej, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-konformità ta’ tali regoli mal-liġi tal-UE;

83.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-federazzjonijiet sportivi bl-għan li jiġi pprojbit ix-xiri b’time-share ta’ klabbs sportivi involuti fl-istess kompetizzjoni; iqis li kull operatur tal-imħatri għandu jiġi pprojbit milli jkollu kontroll fuq organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew fuq xi parteċipant, hekk kif kull organizzatur tal-kompetizzjonijiet jew xi parteċipant għandhom jiġu pprojbiti li jkollhom kontroll fuq operatur li jipproponi mħatri fuq l-avvenimenti li huwa jorganizza jew li jipparteċipa fihom;

84.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa kollha biex jipprevienu u jikkastigaw l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-integrità tal-isport, u jagħmlu dawn l-attivitajiet reati kriminali; b’mod partikolari dawk marbuta mal-attivitajiet tal-imħatri, jiġifieri li jinvolvu l-manipulazzjoni intenzjonali u frawdolenta tar-riżultat ta’ kompetizzjoni jew ta’ xi waħda mill-fażijiet tagħha bl-għan li jinkiseb vantaġġ li ma jinkisibx la permezz tal-prattika normali tal-isport u lanqas permezz tal-inċertezza tagħha;

85.

Iħeġġeġ lill-federazzjonijiet sportivi biex jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri sabiex jipproteġu l-integrità tal-isport;

86.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled in-nuqqas ta’ trasparenza tat-trasferimenti u x-xiri tal-logħob, kif stipulat fl-istrateġija tal-UE kontra l-korruzzjoni, billi tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali f’dan il-qasam;

87.

Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-eżistenza ta’ fenomeni ta’ ksur gravi fl-isport, pereżempju l-ħasil tal-flus, u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni bejniethom fil-ġlieda kontra dawn il-fenomeni u biex jiżguraw aktar trasparenza fit-tranżazzjonijiet finanzjarji li jitwettqu fil-qafas tat-trasferimenti tal-isportivi u l-attivitajiet tal-aġenti;

88.

Jikkonferma li l-istrumenti maħsuba biex iħeġġu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, dawk sportivi u l-operaturi tal-imħatri fil-proċessi li fihom jiġu trattati l-każijiet ta’ frodi fl-isport għandhom jiġu żviluppati u li għandha tiġi ppjanata kollaborazzjoni bejn il-Europol u l-Eurojust;

89.

Jirrikonoxxi l-leġittimità tal-ġuriżdizzjonijiet sportivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tal-isport, sakemm dawn ikunu jirrispettaw id-dritt fundamentali taċ-ċittadini ta’ smigħ ġust; jitlob biex il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isports (QAS) tqis id-dispożizzjonijiet legali tal-UE meta tkun qed issolvi tilwim relatati mal-isport fi ħdan l-UE li jkun tilwim li jseħħ fl-UE;

90.

Jitlob lill-Kummisjoni biex sal-2012 tippreżenta proposta li tippermetti li wieħed jifhem aħjar l-ispeċifiċità tal-isport, u li din tiġi implimentata b’mod konkret, billi jiġi osservat il-ħin kollu dak li hemm imniżżel fl-Artikolu 165 TFUE;

Il-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali

91.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw mal-pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet bħat-trasferimenti tal-plejers internazzjonali, l-isfruttament tal-plejers minorenni, l-iffissar tar-riżultati tal-logħob, il-piraterija u l-imħatri illegali; jenfasizza wkoll l-importanza li tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp tal-isport fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp;

92.

Jistenna bil-ħerqa r-riżultati tas-sistemi mwaqqfa biex tiġi ssorvaljata t-trasparenza, il-fair play finanzjarju, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-traffikar tal-bnedmin; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-sistema tikkonforma mal-leġiżlazzjoni u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jistieden lill-SGBs jgħaqqdu d-data mis-Sistema ta' Korrispondenza tat-Trasferimenti ma sistemi oħrajn kontra l-korruzzjoni biex ikun hemm monitoraġġ aktar effikaċi għall-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob;

93.

Jisħaq fuq il-ħtieġa biex jiġu indirizzati l-operaturi mhux awtorizzati tal-logħob tal-azzard, dawk ibbażati fl-UE u dawk li mhumiex, peress li dawn jisgħu jevitaw is-sistemi ta' monitoraġġ ta' frodi sportiva;

94.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, f’koperazzjoni sħiħa ma’ pajjiżi terzi, l-osservanza ġenerali tar-regoli u r-regolamenti Olimpiċi;

95.

Jitlob lill-klabbs biex jiżguraw ir-rispett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni meta jiġu reġistrati żgħażagħ minn pajjiżi terzi u biex jiżguraw li t-termini kollha tal-kuntratt tagħhom ikunu konformi mal-liġi fis-seħħ; jitlob li jekk dawn ikunu jixtiequ huma jkunu jistgħu jerġgħu lura f’kundizzjonijiet tajbin fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom l-iktar jekk il-karriera tagħhom ma taqbadx; f’dan ir-rigward jenfasizza li d-dħul fis-seħħ effettiv tal-leġiżlazzjoni huwa essenzjali;

96.

Jinsisti dwar il-bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-minorenni fit-trasferimenti internazzjonali; fil-fatt huwa tal-opinjoni li t-trasferimenti internazzjonali jistgħu jkunu ta’ periklu għall-atleti żgħażagħ li, peress li jkollhom jitilqu lil familthom u minn pajjiżhom ta’ età żgħira, ikunu partikolarment vulnerabbli u għalhekk l-organizzaturi sportivi għandhom jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa;

97.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jippromwovu, minkejja r-regoli jew l-obbligi imposti fuq in-nisa relatati ma' fatturi kulturali, tradizzjonali, storiċi jew reliġjużi fis-soċjetà, il-libertà assoluta kemm għan-nisa, kif ukoll għall-irġiel li jeżerċitaw kull tip ta' sport;

L-identità Ewropea permezz tal-isport

98.

Jitlob lill-Kummissjoni testendi l-programmi eżistenti li jippromwovu l-isport bħala strument tal-politika tal-iżvilupp tagħha u tniedi inizjattivi ġodda f’dan il-qasam;

99.

Jistieden lill-Kummissjoni biex:

torganizza annwalment “Jum Ewropew tal-Isport” li jippromwovi l-irwol soċjali u kulturali tal-isport tad-dilettanti u dak professjonali u l-vantaġġi tal-isport f’termini ta’ saħħa pubblika;

tappoġġa l-fatt li kull sena tintgħażel “Belt Kapitali Ewropea tal-Isport”, taħt it-tmexxija tal-ACES (Assoċjazzjoni tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Isport), bl-appoġġ finanzjarju u l-kontrolli meħtieġa;

tappoġġa l-Isport Lokali, Tradizzjonali u Indiġenu li huwa parti mid-diversità kulturali u storika rikka tal-UE, u dan jissimbolizza t-tema “Magħquda fid-diversità”, billi jżid l-għarfien ta’ dan il-logħob permezz, inter alia, tal-promozzjoni ta’ mappa Ewropea u ta’ festivals Ewropej;

twaqqaf programm ta’ mobilità u miżuri rilevanti għall-atleti żgħażagħ amatorjali u kowċis biex dawn ikunu jistgħu jitgħallmu metodi ta’ taħriġ ġodda, jistabbilixxu l-aħjar prattika u jiżviluppaw il-valuri Ewropej permezz tal-isport pereżempju l-fair play, ir-rispett u l-inklużjoni soċjali u jippromwovu d-djalogu interkulturali;

tgħin biex jiġi ffaċilitat programm ta’ mobilità għall-iskambju ta’ kowċis tal-isport;

taħdem mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi biex tipproteġi l-integrità fundamentali tal-isport popolari;

tappoġġa l-ħidma tal-Istati Membri dwar il-ġbir tad-dejta u r-riċerka sabiex isir skambju tal-aqwa prattika;

100.

Jissuġġerixxi li tittajjar il-bandiera Ewropea waqt l-avvenimenti sportivi ewlenin organizzati fit-territorju tal-UE u jissuġġerixxi li l-federazzjonijiet sportivi jikkunsidraw l-idea li din tkun tidher fuq il-flokk tal-atleti tal-Istati Membri, flimkien mal-bandiera nazzjonali; jenfasizza li d-deċiżjoni dwar din l-għażla għandha ssir fuq bażi kompletament volontarja u hija f’idejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi jekk jagħmlux użu minn din l-alternattiva;

*

* *

101.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-federazzjonijiet sportivi Ewropej, internazzjonali u nazzjonali.


(1)  ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 605.

(2)  ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 1067.

(3)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 590.

(4)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 143.

(5)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 292.

(6)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 232.

(7)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 131.

(8)  ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 51.

(9)  ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.

(10)  ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 30.

(11)  P7_TA(2011)0316.

(12)  Testi adottati, P7_TA(2010)0498.

(13)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.

(14)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(15)  Almaty, Kazakistan, mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2006.

(16)  CdR 66/2011 fin.

(17)  CESE 1594/2011 – SOC /413.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/60


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart

P7_TA(2012)0026

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-kwistjonijiet imqajma minn petizzjonanti b’rabta mal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, u ta’ direttivi relatati, fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2011/2038(INI))

2013/C 239 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dritt ta’ petizzjoni stabbilit fl-Artikolu 227 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-petizzjonijiet irċevuti u li jinsabu fl-Anness tar-rapport mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0335/2011),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tirrevoka ċerti Direttivi (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar il-miżbla ta' skart (3);

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħruq ta' skart (4);

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (5) (SEA),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali u li tirrevoka id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (6)

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (7),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Aarhus, id-Danimarka, 25 ta' Ġunju 1998),

wara li kkunsidra l-istudju mill-esperti "L-immaniġġjar tal-iskart fl-Ewropa: problemi ewlenin u l-aħjar prattiki" ta' Lulju 2011,

wara li kkunsidra l-Artikolu 202(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0335/2011),

A.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva 114 petizzjoni u ddikjarahom ammissibbli matul il-perjodu 2004-2010 li jallegaw ksur ta’ dan il-qafas regolatorju minn dawn l-Istati Membri li ġejjin: l-Italja, il-Greċja, Franza, Spanja, l-Irlanda (iktar minn 10 petizzjonijiet kull wieħed), il-Bulgarija, ir-Renju Unit, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Ġermanja (bejn 3 u 10 petizzjonijiet kull wieħed), l-Awstrija, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u s-Slovakkja (petizzjoni waħda kull wieħed);

B.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet abbozza ħames rapporti dwar żjarat għall-ġbir ta' fatti relatati mal-petizzjonijiet dwar l-iskart fl-Irlanda (8), Fos-sur-Mer (Franza) (9), Path Head landfill (ir-Renju Unit) (10), Campania (l-Italja) (11) u Huelva (Spanja) (12);

C.

billi l-petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali jikkostitwixxu b'mod konsistenti l-grupp ewlieni ta' petizzjonijiet irċevuti u dawk dwar l-iskart huwa sub-grupp importanti, u billi t-tħassib dwar l-iskart jaffettwa ċ-ċittadini b'mod dirett ħafna madwar l-UE, speċjalment rigward il-proċedura ta' permess għall-faċilitajiet ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart jew l-operat ta' dawk eżistenti, segwiti minn tħassib dwar l-immaniġġjar ġenerali tal-iskart;

D.

billi maġġoranza kbira tal-petizzjonijiet dwar l-iskart jikkonċernaw il-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart, b'madwar 40 % rigward il-proċedura ta' permess għall-impjanti ġodda pproġettati u 40 % oħra li jirreferu għal operat ta' dawk eżistenti, li minnhom 75 % jikkonċernaw il-landfills u 25 % jikkonċernaw l-inċineraturi, filwaqt li l-petizzjonijiet li jifdal jittrattaw problemi tal-immaniġġjar ġenerali tal-iskart;

E.

billi ċ-ċiffri l-aktar riċenti mill-Eurostat (2009) juru li ċ-ċittadini tal-UE jipproduċu medja ta' 513 kg ta' skart kull sena, b'ħafna Stati Membri ġodda taħt il-medja sew u l-pajjiżi l-aktar industrijalizzati jinsabu tal-ewwel fil-klassifika;

F.

billi dawk il-pajjiżi li jipproduċu l-aktar skart juru l-ogħla rati għar-riċiklaġġ, l-ikkompostjar u l-ħruq tal-iskart għall-enerġija, filwaqt li diġà laħqu livell ta' żero jew kważi laħquh għar-rimi fil-landfills, filwaqt li b'kuntrast, dawk l-Istati Membri li jipproduċu l-anqas medja tal-iskart qegħdin minn ta' fuq għar-rimi fil-landfills u juru rati ħafna anqas ta' riċiklaġġ u saħansitra inċinerazzjoni;

G.

billi xi inċineraturi ibatu min nuqqas ta’ infrastruttura xierqa għas-separazzjoni u t-trattament tal-iskart; billi ma jidhirx li hemm limiti ċari għat-tip ta’ skart inċinerat u għad hemm tħassib dwar id-destin ta’ rmied tossiku li jirriżulta mill-inċinerazzjoni;

H.

billi d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (Direttiva Qafas dwar l-Iskart (WFD)) tistipula regoli mfassla biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem billi jipprevjenu jew inaqqsu l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart u billi jnaqqsu l-impatti ġenerali tal-użu tar-riżorsi u jtejbu l-effiċjenza ta' tali użu, b'hekk jipprovdu benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tas-saħħa u l-benessri filwaqt li fl-istess ħin jinkiseb metodu ambjentalment sostenibbli tar-rimi tal-iskart;

I.

billi d-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali tistabbilixxi numru minimu ta’ reati serji relatati mal-ambjent u tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu pieni kriminali aktar dissważivi għal dan it-tip ta’ reat meta dan jitwettaq fuq livell internazzjonali jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja;

J.

billi strateġija tal-ġestjoni tal-iskart f'konformità mad-WFD trid tigarantixxi li l-iskart kollu jinġabar u jiġi dirett lejn netwerk ta' impjanti ta' trattament xierqa tal-iskart għall-irkupru u fl-aħħar għar-rimi, li trid tinkludi miżuri biex inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart fis-sors;

K.

billi f'xi żoni, bħal Fos-sur-Mer (Franza – 2008), Path Head (Renju Unit – 2009), Huelva (Spanja – 2009) u Campania (Italja – 2011), il-progress li sar fir-rigward tat-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ tal-iskart domestiku kien minimu, u billi l-iskart domestiku u ta' tip ieħor komplew jittieħdu b'mod indiskriminat f'landfills, f'xi każijiet apparentement imħalltin ma' tipi differenti ta' skart industrijali;

L.

billi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-WFD kienet Diċembru 2010, iżda sitt Stati Membri biss ikkonformaw, u l-Kummissjoni qed tieħu miżuri attivi biex tiżgura li l-bqija jlestu t-traspożizzjoni u jibdew l-implimentazzjoni malajr;

M.

billi l-iskart domestiku għandu jkun immaniġġjat skont il-ġerarkija tal-iskart, mibnija fuq il-prevenzjoni, tnaqqis, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru (pereżempju l-enerġija) u r-rimi, skont l-Artikolu 4 tad-WFD;

N.

billi Ewropa li hija effiċjenti fir-riżorsi hija waħda mill-miri ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u d-WFD introduċiet mira ta’ 50 % għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, li għandha tintlaħaq sal-2020 mill-Istati Membri kollha, billi jiġi rikonoxxut li l-iżvilupp tal-UE f’ekonomija ċirkolari u ħadra li tuża l-iskart bħala riżorsa huwa element importanti tal-mira ta’ effiċjenza fir-riżorsi;

O.

billi hemm bosta raġunijiet għalfejn m'hemmx fis-seħħ pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart konformi mad-WFD: dawn jinkludu nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar, persunal mħarreġ tajjeb fil-livell lokali u reġjonali u koordinament fil-livell nazzjonali; kontrolli insuffiċjenti fil-livell tal-UE, in-nuqqas li jiġu allokati riżorsi adegwati u n-nuqqas ta' sistema tajba, biex b'hekk jiġu ttraskurati l-opportunitajiet għall-immaniġġjar tajjeb tal-iskart biex jitnaqqsu l-gassijiet b'effett ta' serra u impatti ambjentali oħrajn u għat-tnaqqis tad-dipendenza Ewropea fuq materja prima importata;

P.

billi fattur importanti, ta’ spiss injorat, huwa li l-industrija tar-riċiklaġġ toffri potenzjal li jilħaq in-nofs miljun impjieg, peress li ċerti tipi ta’ skart jikkostitwixxu riżorsa produttiva li tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali, u tikkontribwixxi sabiex ikun hemm ekonomija ħadra;

Q.

billi l-immaniġġjar tal-bijoskart fl-UE għadu relattivament fil-bidu tiegħu u l-istrumenti leġiżlattivi attwali għandhom bżonn jiġu żviluppati u t-tekniki jsiru aktar effiċjenti;

R.

billi l-konformità mal-miri tal-UE għall-ġbir, riċiklaġġ u t-tnaqqis tar-rimi fil-landfills teħtieġ li tibqa' prijorità;

S.

billi l-Istati Membri – f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali - għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE, u billi ċ-ċittadini taw lill-UE ir-responsabbiltà li tiżgura l-implimentazzjoni tal-politika tal-iskart, iżda m'għandhiex il-mezzi adegwati biex tinforza l-leġiżlazzjoni;

T.

billi skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jiġu informati dwar is-sitwazzjoni fit-territorju tagħhom stess u huwa d-dmir tal-awtoritajiet biex jipprovdu informazzjoni u jimmotivaw liċ-ċittadini biex jiżviluppaw attitudni u mġiba responsabbli; billi skont id-Direttiva 2003/35/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet bikrin u effettivi biex jipparteċipaw fit-tħejjija u l-modifika jew ir-reviżjoni tal-pjanijiet jew programmi li jeħtieġ li jitfasslu;

U.

billi permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet, iċ-ċittadini qed jesprimu s-sentiment li l-awtoritajiet pubbliċi m’għandhomx kontroll fuq is-sitwazzjoni, li dawn mhumiex lesti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jikkontribwixxu biex jinstabu soluzzjonijiet, li r-relazzjoni ta’ fiduċja qed tintilef u li nqabdet it-triq tan-niżla lejn konfront miftuħ u paraliżi li qed tipprevjeni l-azzjoni;

V.

billi studju riċenti (13) mwettaq għall-Kummissjoni biex tiġi esplorata l-fattibbiltà li tinħoloq Aġenzija tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Iskart issottolinja li ħafna Stati Membri m'għandhomx biżżejjed kapaċità biex iħejju pjanijiet ta' immaniġġjar tal-iskart, kif ukoll biex jagħmlu spezzjonijiet, kontrolli u azzjonijiet oħra biex jinfurzaw sew il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart;

W.

billi l-istudju jidentifika wkoll livell għoli ta’ nuqqas ta' konformità, rimi u spedizzjoni illegali ta’ skart, għadd kbir ta’ lmenti minn ċittadini, każijiet ta’ ksur imressqa quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ), u għalhekk prestazzjoni baxxa fil-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent, li jikkostitwixxi mira ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart;

X.

billi r-rimi tal-iskart illegali sar ukoll parti mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata, li jqajjem kwistjonijiet dwar l-irwol tal-awtoritajiet responsabbli u, fir-rigward tal-iskart industrijali, dwar il-kollużjoni industrijali;

Y.

billi l-proċeduri ta’ monitoraġġ u kontroll fis-seħħ bħalissa maħsuba biex jiżguraw li l-iskart domestiku mhuwiex ikkontaminat minn skart tossiku huma xi kultant dgħajfa jew ineżistenti, li jwasslu għall-kontaminazzjoni tal-landfills u l-inċineraturi; billi għandu jiġi enfasizzat li r-rimi ta' skart tossiku permezz tal-inċinerazzjoni fl-installazzjonijiet maħsuba għall-hruq tal-iskart domestiku huwa kategorikament projbit;

Z.

billi analiżi profonda tal-petizzjonijiet tikkonferma li l-leġiżlazzjoni għal sistema tal-immaniġġjar tal-iskart li hija funzjonabbli u ambjentalment soda hija fil-biċċa l-kbira tagħha fis-seħħ u li l-kwistjonijiet ewlenin jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-infurzar, b'95% tal-petizzjonijiet relatati man-nuqqas tal-gvern f'livell lokali jew reġjonali;

AA.

billi wieħed mill-fatturi kruċjali identifikati għal din is-sitwazzjoni huwa n-nuqqas ta’ informazzjoni, għarfien, kapaċità amministrattiva u riżorsi finanzjarji u oħrajn f’livell lokali;

AB.

billi l-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha – inkluż EUR 4,1 biljun fl-2005-2006 – bil-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-acquis tal-UE dwar l-skart f’livell nazzjonali; billi, fi tmiem l-2009, il-każijiet ta’ ksur relatati mal-iskart kienu jikkostitwixxu 20 % tal-każijiet kollha ta’ ksur ambjentali;

AC.

billi l-ispiża ta’ immaniġġjar ħażin tal-iskart hija għolja u sistema reġjonali li kapaċi twettaq iċ-ċiklu sħiħ twassal biex jiġu ffrankati ammonti kbar ta’ flus;

AD.

billi, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart fl-UE hija responsabbiltà pubblika, kumpaniji privati u multinazzjonali jittrattaw ma' 60% tal-iskart domestiku u 75% tal-iskart minn negozji, b'fatturat annwali ta' EUR 75 biljun (14);

AE.

billi l-istabbiliment ta' landfills u inċineraturi ġodda jaqa' taħt l-Anness I.9 tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) (15), li jeħtieġ EIA skont l-Artikolu 4(1) jew tal-inqas skont l-Artikolu 4(2) jekk il-landfill taqa' taħt l-Anness II11.b,

AF.

billi l-permessi għal landfills jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva dwar l-EIA jekk "x'aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent" u huma soġġetti għall-kriterju ta' limitu stabbilit mill-Istati Membri;

AG.

billi l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar l-EIA tistipula li "Il-pubbliku kkonċernat għandu jingħata opportunitajiet minn kmieni u effettivi sabiex jipparteċipa fil-proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa għall-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens għall-iżvilupp";

AH.

billi d-Direttivi tal-UE u l-Konvenzjoni ta' Aarhus jagħmlu referenzi speċifiċi għall-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali;

AI.

billi ħafna petizzjonijiet jallegaw li l-proċedura ta' permess għall-faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart ma kinitx konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-EIA u l-konsultazzjoni pubblika,

AJ.

billi, sakemm il-permessi jikkonformaw mal-parametri stipulati fid-Direttiva u tkun twettqet l-EIA, il-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa tintervjeni f’deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali; billi, madankollu, ċerti Stati Membri ma wettqux l-EIAs bir-reqqa qabel ma taw permessi għall-ftuħ jew estensjoni tal-landfills jew bini tal-inċineraturi;

AK.

billi l-proċedimenti legali jistgħu jitnedu biss ladarba proġett ikun ġie approvat mill-Istati Membri; billi huwa diffiċli għaċ-ċittadini li jifhmu li l-UE ma tistax tintervjeni qabel ma tkun intemmet il-proċedura kollha u l-proġett ikun ġie approvat mill-Istati Membri;

AL.

billi ta’ spiss it-tħassib li jesprimu ċ-ċittadini matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA) tas-siti maħsuba għall-ħolqien ta’ landfills ġodda jirrigwarda allegat ksur ta’ żoni protetti, bħal fil-każ tal-landfill fil-park nazzjonali tal-Vesuvius, jew biża’ minn impatt negattiv fuq is-saħħa u l-benesseri;

AM.

billi s-siti ppjanati għar-realizzazzjoni ta' landfills ġodda huma kkontestati billi l-petizzjonanti jqisu li dawn jinvadu żoni protetti mil-lat ambjentali jew kulturali, kif jispjegaw il-petizzjonijiet dwar pjan ta' ftuħ ta' landfill ġdida fil-park nazzjonali tal-Vesuvju, u billi huwa tal-fehma li l-pożizzjoni ta' landfills f'żoni li jagħmlu parti min-netwerk Natura 2000 għandhom jitqiesu mhux konformi mad-dritt ambjentali tal-UE;

AN.

billi d-Direttiva dwar il-Landfills tistabbilixxi l-parametri għall-għoti tal-permess tal-operat u għall-proċeduri ta' monitoraġġ komuni matul l-operazzjoni u l-fażijiet tal-kura li tingħata wara u billi l-landfills magħluqa qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha; billi l-kriterji elenkati fid-Direttiva jirreferu għall-post, il-kontroll tal-ilma u l-immaniġġjar tal-lissija, il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma, il-kontroll tal-gass, l-inkonvenjenzi u l-perikli, l-istabilità u l-ostakli;

AO.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva diversi petizzjonijiet – b’mod partikolari dik li wasslet għall-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni f’Path Head (ir-Renju Unit) – li rrigwardaw landfills qrib ħafna ta' djar u fejn il-popolazzjoni qed tbati minħabba rwejjaħ li huma ta’ ħsara, arja aktar imniġġsa u żieda fil-preżenza ta’ annimali li jagħmlu ħsara ħdejn darhom; billi madankollu, peress li kriterji aktar preċiżi dwar il-prossimità tas-siti tal-landfills għad-djar, skejjel u sptarijiet ma ġewx stabbiliti fil-liġi tal-UE, id-definizzjoni tar-rekwiżiti preċiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma soġġetti għall-prinċipju tas-sussidjarjetà ddikjarat fit-Trattati;

AP.

billi l-petizzjonijiet dwar il-landfills ta' spiss esprimew tħassib rigward tniġġis possibbli tal-ilma ta' taħt l-art, minħabba li landfills eqdem jistgħu ma jkollhomx saff protettiv li jipprevjeni t-tnixxija fl-akkwifer jew li s-saffi protettivi jidhru maqtugħa u joħolqu suspett ta’ tnixxija jew għax ikunu jinsabu f’art ġeoloġikament mhux stabbli u qrib wisq lejn riżervi tal-ilma ta' taħt l-art/ilma tax-xorb;

AQ.

billi l-Kummissjoni rrappurtat li 177 ksur tad-Direttiva dwar il-Landfill inbdew mill-2001 u li inventarju riċenti identifika minimu ta' 619 landfill illegali fl-UE kollha;

AR.

billi l-petizzjonijiet u l-ilmenti lill-Kummissjoni jixhdu l-presenza ta' numru kbir ta' landfills illegali li joperaw mingħajr permessi, iżda n-numru eżatt mhuwiex magħruf minħabba nuqqas ta monitoraġġ adegwat;

AS.

billi huwa mfakkar li r-rimi fil-landfills għandu jkun l-aħħar soluzzjoni; billi l-awtoritajiet pubbliċi f’xi Stati Membri li waqgħu lura fil-prevenzjoni tal-iskart, riċiklaġġ u użu mill-ġdid jistgħu jkunu taħt pressjoni biex jespandu landfills eżistenti - saħansitra mhux konformi – jew jiftħu landfills ġodda fi żmien qasir bħala metodu għall-eliminazzjoni tal-iskart;

AT.

billi l-użu tal-inċineraturi, li huwa baxx fil-ġerarkija tal-iskart, huwa stabbilit sew u aċċettat miċ-ċittadini f’xi pajjiżi kkunsidrati li laħqu livell għoli ta’ konformità mad-WFD, li jirkupraw enerġija fil-proċess u billi pajjiżi li sal-lum ma użawx l-inċinerazzjoni jistgħu jagħżlu li jagħmlu dan biex jittrattaw skart akkumulat li baqa’ lura;

AU.

billi dan jista' biss isir bil-kundizzjoni ta' kontroll strett u rispett għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u billi wieħed iżomm f'moħħu li tali miżuri jistgħu jikkawżaw resistenza bir-raġun mill-popolazzjonijiet l-aktar affettwati direttament li jinsabu fiż-żoni qrib, li huma kkonċernati dwar l-effetti fuq is-saħħa tagħhom;

AV.

billi għandu jkun rikonoxxut li t-teknoloġija aktar reċenti naqqset b’mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-inċineraturi; billi f'ċerti Stati Membri – partikolarment dawk b'livelli għolja ta' inċinerazzjoni tal-iskart – il-popolazzjonijiet lokali donnhom qed juru livell ogħla ta' aċċettazzjoni, forsi rigward ir-rikonoxximent tal-produzzjoni tas-sħana jew tal-elettriku minn inċineraturi, u wkoll minħabba t-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-funzjonament tagħhom;

AW.

billi l-permessi għall-istabbiliment ta’ inċineraturi jiltaqgħu mal-istess resistenza, għal raġunijiet simili, bħal-landfills, b’enfasi fuq tħassib dwar it-tniġġis tal-arja u l-impatt negattiv fuq is-saħħa pubblika u/jew żoni ambjentalment protetti;

AX.

billi għall-istabbiliment ta’ inċineraturi, l-awtoritajiet pubbliċi ta’ spiss jagħżlu żoni li fihom diġà hemm tniġġis qawwi tal-arja, billi l-effetti kumulattivi fuq is-saħħa tal-abitanti taż-żona m'għandhomx jiġu injorati u billi l-possibilità li jinstabu modi alternattivi għar-rimi tal-iskart u l-produzzjoni tal-enerġija permezz tal-metanizzazzjoni ta’ spiss hija injorata;

AY.

billi l-attenzjoni fuq l-inċinerazzjoni għall-produzzjoni tal-enerġija madankollu tirrappreżenta mod tal-immaniġġjar tal-iskart li jaħli aktar mill-prevenzjoni, mir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid u din hija r-raġuni li għaliha għandhom jingħataw prijorità, skont il-ġerarkija tal-iskart tad-WFD;

AZ.

billi sabiex jintlaħqu l-miri ta’ riċiklaġġ u ta’ prevenzjoni stabbiliti bil-liġi, jeħtieġ is-sehem attiv tas-soċjetà ċivili, il-parteċipazzjoni mtejba tal-partijiet interessati u aktar kuxjenza pubblika, li għandhom jinkisbu permezz tal-kampanji tal-midja biex tinħoloq kuxjenza fost il-pubbliku;

BA.

billi r-rapporti kollha tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni rigward kwistjonijiet ta’ skart isemmu l-komunikazzjoni ħażina jew in-nuqqas tagħha bejn iċ-ċittadini u l-awtoritajiet, li f’xi każijiet tista’ twassal għal sitwazzjonijiet mimlija tensjoni li jkunu nħolqu wkoll bis-saħħa tar-rappurtaġġ fl-istampa dwar dimostrazzjonijiet minn ċittadini;

BB.

billi l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber u għalhekk il-konsum totali huwa mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti, dan joħloq aktar pressjoni fuq l-immaniġġjar tal-iskart; billi s-soluzzjoni għal din il-problema tirrikjedi, fost affarijiet oħra, għarfien akbar u implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ġerarkija tal-iskart;

BC.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet m’għandux kompetenza preventiva jew ġudizzjarja, iżda huwa kapaċi jiddefendi l-interessi taċ-ċittadini, speċjalment meta jinħolqu problemi fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, billi jikkoopera mal-awtoritajiet responsabbli biex jinstabu soluzzjonijiet jew spjegazzjonijiet għall-kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonijiet;

1.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jitrasponu d-WFD mingħajr aktar dewmien u sabiex jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti tagħha, b’mod partikolari li jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet komprensivi għall-immaniġġjar tal-iskart, inkluża l-konverżjoni f’waqtha tal-għanijiet kollha stabbiliti fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa t-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, biex tiżgura li din issir malajr u b’mod effettiv; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra l-attenzjoni tagħha fuq ir-rwol tal-forom kollha tal-kriminalità organizzata fir-rigward tar-reati ambjentali;

3.

Filwaqt li jqis li l-iskart u t-tniġġis huma theddida serja għas-saħħa tal-bniedem u l-integrità tal-ambjent, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iħaffu l-introduzzjoni ta’ strateġija avvanzata għall-immaniġġjar tal-iskart skont id-WFD;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jirrikonoxxu li investimenti maġġuri huma meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti strateġiji korretti għall-immaniġġjar tal-iskart, infrastruttura u faċilitajiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u jemmen li għandhom jikkunsidraw l-assenjar ta’ proporzjon mir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni jew ifittxu ffinanzjar dirett mill-Bank Ewropew tal-Investiment;

5.

Iqis li spezzjonijiet fuq il-post u l-kapaċità ta’ infurzar jeħtieġ li jissaħħu fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE sabiex tiġi żgurata konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom għall-ispezzjonijiet, il-monitoraġġ u azzjonijiet oħrajn fl-istadji kollha tal-katina tal-immaniġġjar tal-iskart sabiex tiġi infurzata aħjar il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi proċeduri speċifiċi għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-każ ta’ nuqqas serju min-naħa tal-Istati Membri;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni li tkun ipprovduta gwida aktar speċifika għall-awtoritajiet kompetenti sabiex tgħinhom fl-implimentazzjoni korretta tal-acquis dwar l-iskart, iżda jinnota li r-riżorsi disponibbli fil-livell Ewropew attwalment mhumiex adegwati; iqis għalhekk li miżuri komplimentari finanzjarji u amministrattivi għandhom jittieħdu sabiex ikunu pprovduti gwida u faċilitajiet ta’ taħriġ aħjar għall-uffiċjali li jaħdmu fis-settur tal-iskart;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tiffoka fuq id-dgħjufijiet aktar sistematiċi fl-implimentazzjoni tad-direttivi li jirrigwardaw l-iskart mill-Istati Membri, bħalma huma netwerks mhux adegwati ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, id-dipendenza eċċessiva fuq ir-rimi fil-landfills, żieda fil-produzzjoni taż-żibel per capita jew ir-rati baxxi ta’ riċiklaġġ;

8.

Jemmen li t-twaqqif ta’ Aġenzija tal-UE ġdida għall-immaniġġjar tal-iskart mhijiex mixtieqa u jqis li l-istruttura istituzzjonali attwali fil-livell tal-UE – ibbażata fuq id-DĠ Ambjent tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bħala ċentru ta’ esperjenza u eċċellenza – hija aktar effettiva f’dak li jirrigwarda spiża, għalkemm dawn jeħtieġ li jissaħħu aktar sabiex jipprovdu sorveljanza u infurzar aktar attivi;

9.

Jemmen li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent eżistenti tista’ tgħin f’dan il-proċess u jista’ jkollha rwol aktar kostruttiv fir-rappurtar dwar strateġiji għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Istati Membri u fl-identifikazzjoni ta’ lakuni billi tivvaluta l-konformità tal-pjanijiet ta’ immaniġġjar tal-iskart tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE;

10.

Iqis li kooperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali potenzjalment tista’ tagħti riżultati pożittivi f’termini ta’ identifikazzjoni ta’ mudelli tal-aħjar prattiki; jinnota li l-Kumitat għar-Reġjuni, il-Europol, in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali, Skart Muniċipali Ewropa u l-FEAD, il-Federazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-industrija tal-immaniġġjar tal-iskart, jista’ jkollhom rwol aktar utli fl-organizzazzjoni ta’ skambji bħal dawn u b’hekk jgħinu wkoll biex tinkiseb aktar fiduċja fost il-popolazzjonijiet affettwati mill-implimentazzjoni ta’ politiki essenzjali ta’ immaniġġjar tal-iskart;

11.

Jistieden lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw kriżijiet ċari dwar skart sabiex jikkunsidraw il-fatt li strateġiji aktar effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart jipprovdu opportunitajiet kemm għall-ħolqien ta’ impjiegi, kif ukoll għal aktar dħul, filwaqt li jiżguraw is-sostenibilità ambjentali permezz ta’ użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru ta’ enerġija mill-iskart;

12.

Ifakkar li l-ġerarkija taċ-ċiklu tal-iskart hija element prinċipali fid-Direttiva 2008/98/KE u, skont id-Direttiva, għandha tikkostitwixxi l-bażi għall-immaniġġjar tal-iskart kollu; jinnota li anke l-argumenti ekonomiċi jitkellmu favur li tiġi segwita l-ġerarkija tal-iskart u li l-attenzjoni għandha tingħata l-ewwel lill-prevenzjoni, imbagħad lill-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ qabel l-inċinerazzjoni għall-enerġija u li l-landfills li jaħlu u mhux sostenibbli għandhom kemm jista’ jkun jiġu evitati;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu f’dan il-kuntest aktar għarfien ambjentali fost il-popolazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ immaniġġjar effiċjenti tal-iskart, speċjalment billi jagħtihom pariri dwar il-merti tas-separazzjoni minn qabel tal-iskart u l-ispiża reali tal-ġbir tal-iskart domestiku, kif ukoll tal-qligħ finanzjarju miksub mill-irkupru ta’ dan l-iskart domestiku;

14.

Jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet meta jittrattaw tħassibdirett taċ-ċittadini lokali tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex ikun faċilitat id-djalogu bejn l-awtoritajiet responsabbli u l-komunitajiet lokali dwar prijoritajiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart, u f’ċerti każijiet, tista’ tikkostitwixxi rimedju effettiv meta dan jista’ jkun utli biex isolvi tilwim lokali;

15.

Jipproponi li jintlaħaq ftehim dwar standard komuni għall-kodifikazzjoni skont il-kulur sabiex jintgħażel u jiġi riċiklat l-iskart sabiex jiffaċilita u jtejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-iskart u sabiex dan jinftiehem, u jqis li dan jista’ jgħin l-isforzi tal-Istati Membri biex iżidu b'mod sinifikanti u aktar ta’ malajr ir-rati ta’ riċiklaġġ;

16.

Iħeġġeġ djalogu minn kmieni u effettiv bejn l-awtoritajiet responsabbli lokali u reġjonali u ċ-ċittadini lokali fl-istadji tal-ippjanar qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-bini ta’ installazzjonijiet għat-trattament tal-iskart, filwaqt li jifhem li l-attitudni NIMBY (not in my back yard – basta mhux wara biebi) hija sfida kbira f’dan ir-rigward;

17.

Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u l-koordinazzjoni tajba tal-proċeduri ta' permessi meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni ambjentali;

18.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ssir valutazzjoni sħiħa tal-impatt ambjentali qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi stabbiliti jew tinbena faċilità għall-iskart ġdida, partikolarment inċineratur jew impjant ta’ metanizzazzjoni, jew bħala l-aħħar soluzzjoni, landfill ġdida; jemmen li evalwazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu mandatorji;

19.

Jifhem li f’ċerti każijiet ikunu meħtieġa deċiżjonijiet urġenti sabiex tiġi ġestita kriżi akuta ta’ skart jew biex ma jitħallewx jiżviluppaw kriżijiet, iżda jenfasizza li wkoll f’dawn il-każijiet irid ikun garantit ir-rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment għaliex jolqtu s-saħħa u l-benessri tal-komunitajiet lokali;

20.

Hu konvint li għandu jittejjeb id-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi fis-settur privat u mal-popolazzjonijiet milquta, u ċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess aħjar għall-informazzjoni filwaqt li għandu jkun hemm mekkaniżmi aktar effikaċi għal reviżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji fejn meħtieġ;

21.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja u ssaħħaħ in-netwerk tas-sħubija pubblika-privata għal proġetti tal-kampanji ta’ għarfien; jitlob biex tiġi appoġġjata l-kampanja “naddaf id-dinja” li għaliha aktar minn 400 MPE iffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li tappoġġja l-avveniment, li mistenni li jiddependi fuq l-appoġġ ta’ miljuni ta’ voluntiera s-sena d-dieħla;

22.

Iqis li l-petizzjonanti għandhom ikunu mħeġġa biex jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-mekkaniżmi fejn ikunu jeżistu, li jista’ jkun li dan ikun aktar effikaċi u espedjenti minn miżuri fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta' faċilitajiet individwali għall-iskart;

23.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipproponi kriterji aktar ċari u aktar speċifiċi għal-lokalizzazzjoni tal-landfills b’relazzjoni mal-abitazzjonijiet lokali, skejjel u faċilitajiet tas-saħħa sabiex ikunu żgurati garanziji aktar qawwija kontra r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent; b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

24.

Jirrakkomanda lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien meta jipproġettaw impjanti għat-trattament tal-iskart f’żoni konfinali u sabiex jiżguraw li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt transkonfinali filwaqt li jikkunsidraw informazzjoni li hi importanti għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati kollha;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf bis-sħiħ ir-rabta li għandha leġiżlazzjoni ambjentali effettiva rigward siti ta’ wirt storiku u l-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-bijodiversità – bħal pereżempju dik li tinsab fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi dwar l-Għasafar Selvaġġi u l-Ambjent Naturali – mal-EIA u d-Direttivi dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali u mal-leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart;

26.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex meta tkun l-awtorità kompetenti tiżgura konformità mar-rekwiżiti proċedurali skont il-liġi tal-UE (Evalwazzjoni tal-Impjant Ambjentali, konsultazzjonijiet pubbliċi) inklużi r-rekwiżiti fl-ambitu tad-Direttivi għall-protezzjoni tas-siti naturali u s-siti ta’ wirt storiku;

27.

Iqis li għandhom jintużaw biss is-siti ta' landfills li jkunu uffiċjalment akkreditati, li jkunu kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Landfills tal-UE u li jkollhom permessi stabbiliti kif dovut, u li l-lokalizzazzjoni ta’ dawn għandha tkun indikata u reġistrata b’mod ċar, filwaqt li s-siti ta’ landfills u rimi oħrajn iridu jkunu ddikjarati kollha illegali, għandhom jingħalqu, jitqiegħdu taħt sigurtà u riabilitati, filwaqt li l-ambjent li jmiss magħhom u dawk tal-madwar ikunu mmonitorjati effettivament għal kwalunkwe konsegwenza negattiva potenzjali;

28.

Iqis li definizzjoni pubblika u ċara ta’ kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ skart hija neċssarja, l-istess bħall-ħolqien ta’ sistema effikaċi ta’ rintraċċar għal skart – speċjalment skart perikoluż – sabiex ikun żgurat li l-iskart xieraq biss jiġi trasportat u mormi f'landfills u inċeneraturi; jemmen li t-teħid ta’ kampjuni u proċeduri ta’ ttestjar għal għarrieda għandu jsir konsistement fl-Istati Membri kollha;

29.

Iqis li għandha ssir aktar enfasi fuq l-irkupru tal-iskart organiku speċjalment f’reġjuni agrikoli b’mod ġenerali, element li jidher li s’issa ngħata ftit attenzjoni;

30.

Iħeġġeġ li jkunu stabbiliti kriterji komuni għall-kejl ta’ valuri ta’ emissjonijiet kruċjali minn inċeneraturi u li l-kejl ikun disponibbli immedjatament onlajn għall-konsultazzjoni mill-pubbliku sabiex tiġi stabbilita fiduċja fi ħdan il-komunitajiet lokali, u li tkun ipprovduta wkoll sistema effettiva ta' twissija fil-każ li jseħħu xi anomaliji;

31.

Ifakkar lill-Istati Membri li, anke meta jinħolqu kwistjonijiet fil-livell ta’ gvern lokali jew reġjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ u superviżjoni effettivi tal-konformità mal-istandards u permessi kollha tal-UE u jħeġġiġhom sabiex jiżguraw li jkollhom persunal adegwat u kompetenti sabiex iwettqu din il-funzjoni, inklużi spezzjonijiet ta’ spiss fuq il-post;

32.

Jinnota li jeħtieġ li tingħata attenzjoni urġenti fir-rigward tar-rimi fil-miftuħ u rimi illegali ta’ skart imħallat u mhux identifikat u jitlob l-infurzar ta’ kontrolli stretti tal-immaniġġjar; ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti, li b'konformità sħiħa mad-Direttiva tal-IPPC (2008/1/KE, riveduta mid-Direttiva 2010/75/UE), għandhom jistabbilixxu kontroll strett fuq it-trattament ta’ tipi speċifiċi tal-iskart industrijali, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel dak kollu possibbli biex timmonitorja l-awtoritajiet kompetenti biex tiżgura li l-iskart jinġabar, jiġi sseparat u trattat b'mod effikaċi u adegwat, pereżempju permezz ta' spezzjonijiet sistematiċi u li jitressaq pjan kredibbli lill-awtoritajiet reġjonali;

33.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex ikollhom miżuri biex tisseddaq aċċettazzjoni akbar mill-popolazzjonijiet fil-viċinanzi ta’ faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart eżistenti u dawk ipproġettati billi juru li l-awtoritajiet li jagħtu l-permessi u dawk li joperaw qegħdin jirrispettaw ir-regoli korrettament u bi trasparenza sħiħa;

34.

Jirrakkomanda l-impożizzjoni ta’ multi adegwati u dissważivi kif ukoll penali għar-rimi illegali ta’ skart, speċjalment skart tossiku u perikoluż, biex ipatti sa ċertu punt għall-ħsara ambjentali skont il-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas; jemmen li r-rimi illegali fil-kampanja ta’ skart kimiku jew skart radjuattiv li huwa kkontaminat ħafna għandu jiġi kkastigat b’sentenzi ħorox ħafna li jkunu proporzjonati mal-perikli li din il-prattika toħloq lin-nies u lill-ambjent;

35.

Jitlob li jittieħdu miżuri effettivi għall-ġlieda kontra kwalunkwe aċċess tal-kriminalità organizzata għall-immaniġġjar tal-iskart u kontra kwalunkwe konnessjoni bejn il-kriminalità organizzata u l-industrija legali jew l-awtoritajiet pubbliċi;

36.

Jirrakkomanda li, jekk jiġu allokati fondi pubbliċi lil intrapriżi privati għall-ipproċessar tal-ġestjoni tal-iskart, għandu jiddaħħal fis-seħħ monitoraġġ finanzjarju effikaċi dwar l-użu ta' dawn il-fondi mill-awtoritajiet lokali u/jew nazzjonali sabiex jiggarantixxu konformità legali mar-regoli tal-UE;

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.

(3)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(4)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

(5)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(6)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(7)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

(8)  DT 682330.

(9)  DT 745784.

(10)  DT 778722.

(11)  DT 833560 + B7-0073/2011.

(12)  DT 820406.

(13)  Studju dwar il-fattibbiltà ta' stabbiliment ta' Aġenzija għall-Implimentazzjoni tal-Iskart, rapport finali rrivedut, 7 ta’ Diċembru 2009.

(14)  FEAD ‘Dikjarazzjoni ta’ Brussell”15 ta’ Frar 2011.

(15)  85/337/KEE.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/69


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Il-programm Daphne

P7_TA(2012)0027

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-programm Daphne: kisbiet u prospetti futuri (2011/2273(INI))

2013/C 239 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta’ Marzu 2010 dwar il-vjolenza,

wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tal-Kummissjoni li ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Settembru 2010 (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi stabbiliti fil-programm ta’ Stokkolma fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà għall-perjodu 2010-2014, li ġie ppreżentat fl-20 ta’ April 2010 (COM(2010)0171),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 779/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f’riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja” (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (2004 sa l-2008) li jimpedixxi u jikkumbatti l-vjolenza kontra tfal, żgħażagħ u nisa u li jipproteġi vittmi u gruppi f’riskju (il-programm Daphne II) (3).

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Jannar 2000 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja (Programm Daphne) (2000-2003) dwar miżuri preventivi għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, l-adolexxenti u n-nisa (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar l-evalwazzjoni intermedjarja tal-programm Daphne III (2007-2013) (COM(2011)0254),

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali għall-programm Daphne III,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza (COM(2011)0758),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0006/2012),

A.

billi l-programm Daphne, mit-tnedija tiegħu fl-1997, kellu suċċess bis-sħiħ, kemm f’termini tal-popolarità tiegħu mal-persuni kkonċernati (benefiċjarji, l-awtoritajiet pubbliċi u akkademiċi, l-NGOs) kif ukoll f’termini ta’ effikaċja tal-proġetti ffinanzjati mill-programm;

B.

billi Daphne huwa l-uniku programm ta’ dan it-tip intiż għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha; billi, għaldaqstant, il-kontinwità tal-finanzjament għall-programm Daphne hi vitali biex jinżammu l-miżuri attwalment fis-seħħ u jiġu introdotti miżuri ġodda li jkunu effikaċi fil-ġlieda kontra t-tipi kollha ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

C.

billi l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ għadhom kwistjonijiet ta' tħassib llum daqs kemm kienu fl-1997, is-sena meta ġiet adottata l-inizjattiva Daphne; billi minn meta twaqqaf, il-programm tefa’ dawl fuq forom ġodda ta’ vjolenza, inklużi l-vjolenza fin-nurseries, it-trattament ħażin tal-anzjani, u l-attakki sesswali fost l-adolexxenti;

D.

billi l-Parlament indika f’diversi riżoluzzjonijiet li l-programm Daphne s’issa ma ngħatax biżżejjed finanzjament, u stqarr l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li l-programm ikollu biżżejjed fondi biex ikun jista’ jitratta l-ħtiġijiet reali involuti fil-ġlieda kontra kull tip ta’ vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ;

E.

billi l-programm Daphne hu strument estremament importanti biex tiżdied il-viżibilità tal-kwistjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u jipprovdi l-possibilità għall-organizzazzjonijiet tan-nisa u partijiet oħra involuti li jiżviluppaw ix-xogħol u l-azzjonijiet konkreti tagħhom f’dan il-qasam;

F.

billi riċentement tfaċċaw forom ġodda ta’ vjolenza minħabba l-użu, li kulma jmur dejjem jikber, ta’ netwerks soċjali online;

G.

billi fil-kundizzjonijiet attwali tal-kriżi ekonomika u l-awsterità baġitara, in-nisa għandhom inqas riżorsi biex jipproteġu lilhom infushom u lill-uliedhom mill-vjolenza u billi huwa ħafna aktar importanti li jiġu evitati l-konsegwenzi finanzjarji diretti li l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal għandha fuq is-sistema ġudizzjarja u s-servizzi soċjali u tas-saħħa; billi, barra minn dan, il-finanzjament għall-programmi nazzjonali u l-NGOs li jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-vittmi tal-vjolenza għandu mnejn jitnaqqas;

H.

billi l-Kummissjoni tenfasizza fl-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2010-2015 li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi waħda mill-problemi ewlenin li għandha tiġi indirizzata biex tinkiseb ugwaljanza ġenwina bejn is-sessi;

I.

billi huwa importanti li l-livell tad-drittijiet tan-nisa fil-pajjiżi kandidati jinġieb eqreb lejn l-istandards tal-UE, biex jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-programm Daphne III;

J.

billi l-vjolenza bbażata fuq is-sess tirriżulta mill-inugwaljanzi persistenti bbażati fuq is-sess u hija fenominu strutturali marbut mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna; billi, madankollu, huwa possibbli li din titnaqqas b’mod sinifikanti billi jiġu amalgamati azzjonijiet immirati kontra l-isterjotipar tal-ġeneri fil-qasam tal-edukazzjoni u l-ugwaljanza tal-ġeneri u fil-midja, u li din il-vjolenza tiġi miġġielda permezz tat-tkattir tal-għarfien fil-qasam tas-saħħa, u fost il-pulizija u l-ġudikatura;

K.

billi l-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ tinkludi fiha kull tip ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem, bħall-abbuż sesswali, l-istupru, il-vjolenza domestika, l-attakk u l-fastidju sesswali, il-prostituzzjoni, it-traffikar tal-persuni, il-ksur tad-drittijiet sesswali u ta’ riproduzzjoni, il-vjolenza kontra n-nisa u ż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, il-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt, il-vjolenza kontra n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħabsijiet u istituzzjonijiet ta’ kura, u diversi prattiki tradizzjonali ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali; billi kull wieħed minn dawn l-abbużi jħalli feriti psikoloġiċi profondi, jagħmel ħsara lill-integrità fiżika jew mentali tan-nisa, tfal jew żgħażagħ u f’xi każijiet, jista' jwassal ukoll għall-mewt tagħhom;

L.

billi l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa ma tissemmiex fl-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm “Id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza” tal-perjodu finanzjarju 2014-2020, li jgħaqqad il-programm Daphne III, it-taqsimiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u non-diskriminazzjoni tal-Programm Progress, u l-Programm tad-Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza; billi dan jista’ jdgħajjef il-viżibilità u l-konsistenza tal-programm Daphne u jipperikola s-suċċess tiegħu; billi l-baġit propost għall-programm il-ġdid huwa iżgħar minn dawk tal-programmi attwali; billi l-proposta ma tiżgurax il-prevedibilità ta’ finanzjament għall-objettivi tagħha;

M.

billi ma tinżammx b'mod regolari data komparabbli dwar it-tipi differenti ta’ vjolenza kontra n-nisa fl-Unjoni Ewropea, u b'hekk huwa diffiċli li jiġi aċċertat kemm hi realment mifruxa l-problema u li jinstabu soluzzjonijiet xierqa. billi huwa partikolarment diffiċli li tinġabar data affidabbli peress li n-nisa u l-irġiel isibuha bi tqila jirrappurtaw l-esperjenzi tagħhom minħabba l-biża’ jew il-mistħija,

N.

billi l-ispiża għas-soċjetà tal-vjolenza domestika hija għolja ħafna, kif muri minn proġett Daphne fejn ġie stmat li l-vjolenza konjugali biss tammonta għal EUR 16-il biljun fis-sena fl-Unjoni Ewropa u dan l-ammont jinkludi l-ispejjeż diretti għall-kura medika kollha (l-emerġenza, l-isptarijiet, is-servizzi ta’ kura u assitenza għall-pazjenti barra mill-istabbilimenti ta’ kura, il-mediċina), l-ispejjeż tal-qorti u tal-pulizija, l-ispejjeż soċjali (l-akkomodazzjoni u d-diversi forom ta' għajnuna) u l-ispejjeż ekonomiċi (telf fil-produzzjoni) (5);

O.

billi d-diversi studji li saru dwar il-vjolenza abbażi ta’ sess jistmaw li bejn 20% u 25% tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta’ vjolenza fiżika mill-inqas darba tul il-ħajja adulta tagħhom, u aktar minn 10% ġarrbu vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi r-riċerka turi wkoll li 26% tat-tfal u ż-żgħażagħ irrapportaw li ġarrbu vjolenza fiżika fi tfulithom;

P.

billi minħabba l-esklużjoni u l-marġinalizzazzjoni soċjali n-nisa u t-tfal Roma huma estremament vulnerabbli għall-vjolenza, filwaqt li tul is-snin li għaddew il-Programm Daphne appoġġa b’suċċess ħafna inizjattivi intiżi sabiex jintefa’ dawl fuq ir-rabta bejn l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-vjolenza;

Q.

billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi problema strutturali u mifruxa fl-Ewropa u fid-dinja kollha, u hi fenomenu li jinvolvi vittmi u atturi ta’ kull età, livelli ta' edukazzjoni, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali u hi marbuta mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna;

R.

billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b’mod indaqs kontra l-vjolenza maskili, minħabba l-politiki u l-leġiżlazzjoni differenti fl-Istati Membri;

S.

billi l-bażi legali tal-programm Daphne huwa l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirrigwarda s-saħħa pubblika iżda permezz tat-Trattat ta' Liżbona l-Unjoni Ewropea issa għandha aktar poteri;

1.

Innota b'interess kbir is-suċċessi, il-popolarità u l-ftit diffikultajiet tal-programm kif esposti fir-“Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Daphne III 2007-2013” u l-istudji preparatorji użati fit-tfassil ta’ dan ir-Rapport (6), u kif irrapportaw dawk li rċevew għotjiet mill-programm Daphne;

2.

Filwaqt li jinnota li l-programm Daphne mill-2014 se jiġi inkorporat fil-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, iqis neċessarju li l-objettivi tal-programm, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, jinżammu għall-perjodu 2014 - 2020 fost l-objettivi tal-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza l-ġdid, u jqis li l-finanzjament tiegħu jeħtieġ li jinżamm f'livell kumparabbli ma' dak tal-programm preċedenti u li l-profil tiegħu fi ħdan il-programm ta’ ġenerazzjoni ġdida jeħtieġ li jibqa’ għoli, fid-dawl tas-suċċessi, tal-effettività u l-popolarità tiegħu;

3.

Jiddispjaċih li l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, l-adolexxenti u n-nisa mhix imsemmija b’mod espliċitu fl-Artikolu 4 (‘Objettivi speċifiċi’) tat-test inkluż fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)0758) dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi għall-perjodu 2014 sa 2020 il-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza;

4.

Jilqa’ l-fatt li l-approprjazzjoni totali għall-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza kollu kemm hu nżammet kważi intatta; iqis li distribuzzjoni annwali ġust tal-finanzjament jagħti lok għal kontinwità f'termini ta' objettivi u attivitajiet;

5.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-imsieħba interessati, li qed jaħdmu mal-Kummissjoni, sabiex jikkontribwixxu fit-tqassim ta’ tagħrif dwar il-programmi tal-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet ta' finanzjament li dawn joffru, b'mod partikolari fost l-NĠOs, fil-livell lokali u fl-Istati Membri fejn hemm livell ta' partiċipazzjoni baxx fil-programm;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet għal ftit problemi li ġew indikati fir-rapport interim msemmi hawn fuq, partikolarment f’dak li jikkonċerna:

l-evitar tas-sovrappożizzjoni ma’ programmi Komunitarji oħrajn biex jiġi evitat ir-riskju li l-kwistjonijiet tal-programm Daphne jitilfu l-prijorità,

it-titjib fit-trasparenza tal-programmi u t-tixrid tar-riżultati tagħhom,

l-ekwilibriju fit-tqassim tal-programmi bejn id-diversi Stati Membri,

it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u tqassar it-tul ta’ żmien bejn il-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għall-proġetti u l-konklużjoni ta’ kuntratti, li żammew ħafna NĠOs żgħar milli jipproponu proġetti Daphne,

it-titjib tal-effikaċja tal-għotjiet operattivi lil organizzazzjonijiet Ewropej li jistgħu jikkonsolidaw sħubiji multidixxiplinarji mal-Ewropa kollha stabbiliti għal skopijiet ta’ sussidjar; it-tisħiħ tal-ħila tal-NGOs li jiddefinixxu u jinfluwenzaw il-politika nazzjonali u Ewropea, b’referenza partikolari għal NGOs iżgħar f’pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant;

7.

Biex jissaħħaħ l-impatt tal-programm, jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ li minħabba l-esklużjoni soċjali u l-marġinalizzazzjoni huma partikolarment esposti għar-riskju ta’ vjolenza;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi lill-pajjiżi kandidati fi ħdan l-ambitu tal-eliġibilità għall-fondi taħt il-Programm Daphne III;

9.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-imsieħba interessati sabiex jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettiv ta’ tqassim aħjar tal-programmi bejn l-Istati Membri;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar fondi fi proġetti mmirati biex jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħażagħ b’mod partikolari għal forom ġodda ta’ vjolenza relatati mal-użu li kulma jmur qed jikber ta’ netwerks soċjali onlajn (theddid, pressjoni psikoloġika, bullying, pornografija tat-tfal bl-Internet), li huma aktar insidjużi minn forom ta' vjolenza oħra iżda għandhom l-istess potenzjal li jikkawżaw ħsara fiżika jew mentali;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data regolarment dwar vjolenza kontra n-nisa biex jiċċaraw il-kobor tal-problema;

12.

Jenfasizza l-valur miżjud tal-programm Daphne għall-UE, billi jippermetti diversi organizzazzjonijiet fl-Istati Membri jikkooperaw għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-vjolenza u jibbenefikaw mill-iskambji tal-għarfien u tal-aħjar prattika; jindika, barra minn hekk, li l-proġetti ffinanzjati taħt Daphne III ħolqu assoċjazzjonijiet u strutturi stabbli li se jkomplu jappoġġaw lill-gruppi fil-mira fit-tul u li wasslu għal bidliet fil-politika fil-livell nazzjonali u tal-UE;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lil proġetti mmirati biex jeqirdu r-reati 'tal-unur' u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni tippermetti l-finanzjament ta’ proġetti nazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet żgħar bla skop ta’ lukru u jitlob li fil-futur, l-NGOs iż-żgħar ikunu jistgħu jkomplu jiġu involuti u appoġġati kompletament fis-sħubiji ta’ assoċjazzjonijiet peress li dawn għandhom rwol kruċjali fl-identifikazzjoni ta' problemi li mhumiex magħrufa sew, tabujiet jew problemi ġodda u fl-identifikazzjoni ta' metodi innovanti biex jiġu indirizzati kif ukoll fil-protezzjoni u s-sostenn tal-vittmi;

15.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-azzjonijiet fl-ambitu tal-programm Daphne III intiż sabiex jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza fuq in-nisa iżda madankollu jtenni l-ħtieġa ta' miżuri leġiżlattivi fil-livell Ewropew sabiex tinqered il-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni tittraduċi l-paġna web tar-riżors elettroniku tat-Toolkit fil-lingwi kollha tal-UE u taġġornaha, filwaqt li tenfasizza r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-eżitu tal-proġetti tal-programm Daphne sabiex tkun tista' tintuża bħala bażi ta' data mill-partijiet interessati kollha; jistied lill-Kummissjoni tiżviluppa fil-websajt tagħha paġni speċjali li jkunu faċli li jiġu kkonsultati, li jikkonċernaw esklużivament il-programm Daphne u, mill-2014, il-proġetti tal-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza intiżi sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u l-adolexxenti;

17.

Ifakkar fl-impenn mill-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma li tippreżenta fl-2011-2012 "Komunikazzjoni dwar strateġija biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, il-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili, li għandha tiġi segwita minn pjan ta' azzjoni tal-UE" (7);

18.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tippromwovi l-programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, tagħmilha possibbli li jkomplu jiġu identifikati l-proġetti relatati mal-objettivi tal-programm Daphne, li hu magħruf sew, biex il-profil tal-programm jibqa’ għoli kemm jista’ jkun;

19.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twessa’ r-rwol tat-tim Daphne tad-DĠ Ġustizzja, lil hinn mid-doveri amministrattivi u ta' kontroll finanzjarju biex jinkludi rwol aktar speċifiku ta’ komunikazzjoni;

20.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkapitalizza fuq l-eżitu tal-proġetti biex tinfluwenza l-politiki Ewropej u nazzjonali maħsuba għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-applikazzjonijiet relatati ma’ proġetti mmirati li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-iktar fażi bikrija tal-ħajja, iffukati fuq il-prevenzjoni u l-edukazzjoni biex jinbidlu l-attitudnijiet u jinqerdu l-isterjotipi;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2011)0127.

(2)  ĠU L 173, 3.07.2007, p. 19.

(3)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.

(5)  Proġett Daphne 2006 "IPV EU Cost" JLS/DAP/06-1/073/WY "Stima tal-ispejjeż marbuta mal-vjolenza konjugali fl-Ewropa" Maïté Albagly, Sandrine Baffert, Claude Mugnier, Marc Nectoux, Bertrand Thellot

(6)  COM(2011)0254 Rapport dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Programm Daphne III 2007-2013

(7)  COM(2010)0171 Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa, Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, p. 13.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/74


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra

P7_TA(2012)0028

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 fuq is-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra (2011/2198(INI))

2013/C 239 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-10 ta' Diċembru 1948 u d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni, kif adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Ġunju 1993, b'mod partikolari l-paragrafi I 28-29 u II 38 fuq l-istrupru sistematiku, l-iskjavitù sesswali u t-tqala sfurzata f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-forom kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993 (1);

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, ir-Riżoluzzjoni 1889 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU intiża sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-Riżoluzzjoni 1960 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ħolqot mekkaniżmu għall-ġbir tad-data fuq persuni li jwettqu vjolenza sesswali f'kunflitti armati u l-elenkar tagħhom,

wara li kkunsidra l-ħatra f'Marzu 2010 ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'Kunflitti Armati,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2000), Pekin +10 (2005) u Pekin +15 (2010),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 54/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Frar 2000, li stabbiliet il-25 ta' Novembru bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011 (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (SEC(2010)0265), li għandu jiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-indikaturi tal-UE tal-2011 dwar l-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (3),

wara li kkunsidra l-indikaturi tal-2010 għall-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (4) u d-dokument ta' ħidma dwar "l-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1325, imsaħħa mill-UNSCR 1820 fil-kuntest tal-PESD", adottati t-tnejn f'Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-immaniġġjar tal-kriżijiet,

wara li kkunsidra l-Istandards Ġeneriċi ta' Mġiba tal-Kunsill tal-2005 għall-operazzjonijiet tal-ESDP (5),

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li jiddefinixxu l-istupru, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni sfurzata, it-tqala sfurzata u l-isterilizzazzjoni sfurzata jew kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali bħala reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-10 Anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kunflitti armati u l-irwol tagħhom fir-rikostruzzjoni u l-proċess demokratiku f'pajjiżi li ħerġin minn kunflitt (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0429/2011),

A.

billi l-progress li sar kien limitat f'dawn l-aħħar 10 snin mill-adozzjoni tal-UNSCR 1325; billi f'ċerti każijiet il-kwoti li ġew stabbiliti għall-parteċipazzjoni tan-nisa fi gvernijiet u n-numru tan-nisa f'istituzzjonijiet rappreżentattivi żdiedu; billi minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm żieda fil-kuxjenza tad-differenzi bejn is-sessi; billi, minkejja l-isforzi li saru, il-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozjati għall-paċi tibqa', bi ftit eċċezzjonijiet, inqas minn 10 % ta' dawk involuti formalment (9);

B.

billi nħolqot il-kariga ta' Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati, attwalment imwettqa minn Margot Wallström;

C.

billi l-vjolenza sesswali fil-forma ta' stupru tal-massa, it-traffikar tal-bnedmin u forom oħra ta' abbuż sesswali għadha tintuża, b'mod inaċċettabbli, bħala tattika tal-gwerra f'reġjuni ta' kunflitt madwar id-dinja; billi l-vojt ta' poter li jinħoloq f'żoni li jkunu esperjenzaw il-kunflitt jista' jwassal għal deterjorament tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfajliet kif ġara fil-Libja u l-Eġittu;

D.

billi l-effetti tal-vjolenza sesswali waqt il-gwerra, kemm fiżiċi (riskji bħal pereżempju l-isterilità, l-inkontinenza u mard trażmess sesswalment) kif ukoll psikoloġiċi, huma devastanti għall-vittmi, peress li dawn tal-aħħar ħafna drabi jisfaw stigmatizzati, mwarrba, maltrattati u meqjusa diżonorati, u f'ħafna każijiet jiġu esklużi mill-komunitajiet tagħhom u xi drabi saħansitra maqtula;

E.

billi l-familji tal-vittmi jintlaqtu ħażin ħafna wkoll, peress li l-vjolenza sesswali titqies bħala umiljazzjoni; billi t-tfal li jirriżulaw mill-istupru jistgħu jitwarrbu; u billi dan it-twarrib jista' jkun brutali, fejn it-trabi jkunu abbandunati fil-mument ta' twelid jew saħansitra maqtula;

F.

billi d-dikjarazzjoni ta' Vjenna, adottata fil-25 ta' Ġunju 1993 mill-Konferenza Dinjija tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tiddikkjara li "Id-drittijet tal-bniedem tan-nisa u ta' tfalja/tifla huma parti inaljenabbli, integrali u inseparabbli tad-drittijiet universali tal-bniedem";

G.

huwa allarmat bil-fatt li, f'ħafna każijiet, dawk li jwettqu l-vjolenza sesswali ma jiġux ikkastigati kif muri mill-eżempju ta' Colombia, fejn f'sitwazzjoni ta' kunflitt armat, il-vjolenza sesswali fuq in-nisa hija prattika sistematika u moħbija li hija suġġeta għal kważi impunità totali, u billi din il-forma ta' vjolenza għandha titqies bħala delitt tal-gwerra;

H.

jirrikonoxxi l-fatt li n-nisa fl-armata u/jew f'organizzazzjonijiet ċivili involuti fiż-żamma tal-paċi għandhom rwol importanti bħala mudelli ta' riferiment, bħala medjaturi interkulturali u jirrappreżentaw inizjattivi ta' emanċipazzjoni għan-nisa lokali u jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta' sterjotipi għall-irġiel lokali, u li huma jikkomunikaw aħjar man-nisa lokali;

I.

billi f'ħafna pajjiżi, azzjonijiet relatati mas-sessi mhumiex meqjusa ta' prijorità għolja, fejn il-ġeneru huwa meqjus bħala kwistjoni sussidjarja, u prattiki kulturali, reliġjużi u soċjo-ekonomiċi huma użati bħala skuża biex jiġi ostakolat il-progress fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa;

J.

billi għandu jsir enfasi fuq is-sessi mill-ewwel fażi tal-ippjanar tal-missjonijiet ċivili u ta' sigurtà; billi ntwera li l-missjonijiet taż-żamma tal-paċi huma kruċjali għall-introduzzjoni tal-perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-prevenzjoni, id-demobilizzazzjoni u l-kostruzzjoni mill-ġdid wara l-kunflitt;

K.

billi l-istorja turi li gwerra tidher attività ddominata fil-biċċa l-kbira tagħha mill-irġiel u li għalhekk hemm raġuni li wieħed jistenna li l-ħiliet partikolari tan-nisa fir-rigward tad-djalogu u tan-nonvjolenza jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv ħafna għall-prevenzjoni u l-ġestjoni paċifika tal-kunflitti;

L.

billi l-importanza tal-involviment tan-nisa u ta' perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi hija enfasizzata mill-fatt li meta jkun hemm aktar nisa involuti fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċessi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u n-negozjati għall-paċi, jiġu indirizzati aktar oqsma għall-kostruzzjoni mill-ġdid u l-konsolidazzjoni tal-paċi: l-infrastruttura tas-suq, toroq rurali, ċentri tas-saħħa, skejjel u kindergartens aċċessibbli, eċċ.;

M.

billi fl-2010 ġew adottati 17-il indikatur għall-approċċ komprensiv (10) u saru sforzi li rnexxew sabiex jiġi ppreżentat l-ewwel rapport ta' monitoraġġ ibbażat fuq dawn l-indikaturi fl-2011 (11); billi hemm bżonn ta' rapporti ta' monitoraġġ tal-UE komprensivi bbażati fuq metodoloġija ċara u indikaturi adegwati;

N.

billi Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali li jirrigwardaw in-nisa, il-paċi u s-sigurtà huma essenzjali u għandhom ikunu bbażati fuq standards Ewropej minimi u uniformi fir-rigward tal-objettivi, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom fl-UE,

O.

billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tipprovdi, fil-31 ta' Awwissu 2011, EUR 300 miljun aktar għall-paċi u s-sigurtà fl-Afrika; billi fl-2011 minn tal-inqas 12-il pajjiż Afrikan, b'popolazzjoni stmata ta' 386.6 miljun ruħ, se jitieqsu bħala reġjuni ta' kunflitt attwali;

P.

billi f'sitwazzjonijiet li jkunu għaddew minn kunflitt u li għaddejjin minn proċessi ta' rikostruzzjoni u ta' integrazzjoni mill-ġdid, il-mekkaniżmi istituzzjonali u l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi huma passi inizjali effettivi lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; billi l-involviment tal-atturi kollha rilevanti, bħall-gvernijiet u r-rappreżentanti politiċi, s-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, kif ukoll il-parteċipazzjoni diretta ta' organizzazzjonijiet, gruppi u netwerks tan-nisa – li għandhom jingħataw sostenn politiku, finanzjarju u legali għall-programmi ta' żvilupp, inkluż għall-membri l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħall-migranti, dawk spostati internament, ir-rifuġjati nisa u n-nisa mobgħuta lura – huma l-prekundizzjoni essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-paċi, għall-ksib ta' żvilupp sostenibbli u għat-tiswir ta' soċjetà demokratika li tirrispetta d-drittijiet tan-nisa kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Q.

billi l-kawżi sottostanti tal-vulnerabilità tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' spiss jirriżulta mill-aċċess limitat tagħhom, inter alia, għall-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u billi l-parteċipazzjoni ekonomika tan-nisa fuq bażi ugwali hija għalhekk prekundizzjoni neċessarja għall-ġlieda kontra l-vjolenza speċifika għall-ġeneru f'kunflitti armati; billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-governanza, kemm fuq il-mejda tan-negozjar kif ukoll fir-rwoli attivi f'tranżizzjonijiet paċifiċi, tibqa' limitata, iżda tibqa' prijorità ewlenija u element kritiku għall-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

In-nisa fit-tmexxija għall-paċi u s-sigurtà

1.

Jitlob li l-appoġġ tal-UE għall-proċess tal-paċi ikun suġġett għall-parteċipazzjoni tan-nisa fit-timijiet internazzjonali li qed imexxu n-negozjati għall-paċi; jitlob li jsir progress fir-rigward tal-inklużjoni permanenti tal-mexxejja nisa, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa lokali u/jew gruppi tas-soċjetà ċivili fuq il-mejda tan-negozjati matul il-proċess tal-paċi;

2.

Jenfasizza l-importanza tad-djalogu politiku għall-emanċipazzjoni tan-nisa u jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jinkludu l-kwistjonijiet li jirrigwardaw in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-djalogu tagħhom fuq kwistjonijiet politiċi u dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem mal-gvern ospitanti; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu u jappoġġaw l-emanċipazzjoni tan-nisa li jipparteċipaw fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet barra mill-UE;

3.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneri u l-Għoti ta' Setgħa lin-Nisa fl-Iżvilupp u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ikun provdut taħriġ adegwat u effettiv lill-membri tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE dwar approċċ sensittiv għall-ġeneri fiż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li tkun provduta assistenza teknika u finanzjarja adegwata għal programmi li jippermettu lin-nisa jipparteċipaw b’mod sħiħ fin-negozjati għall-paċi u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà ċivili kollha kemm hi;

4.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv żieda fin-numru ta' nisa fil-forzi armati u fl-operazzjonijiet ċivili li jinvolvu ż-żamma tal-paċi, speċjalment fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija, u għal dan l-għan jitlob:

kampanji nazzjonali li jippromwovu l-forzi armati u l-pulizija bħala għażla vjabbli għan-nisa kif inhi għall-irġiel, sabiex jiġu eliminati sterjotipi possibbli; dawn il-kampanji għandhom jinkludu avvenimenti ta' informazzjoni u ġranet miftuħa, li jipprovdu informazzjoni fattwali dwar it-taħriġ u l-opportunitajiet ta' impjieg fil-forzi armati;

rieżami tal-politika ta' promozzjoni fil-militar, sabiex jiġi eżaminat jekk in-nisa kinux żvantaġġati rigward il-promozzjonijiet, minkejja li, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom, kienu fuq l-istess livell tal-kollegi rġiel tagħhom;

l-inklużjoni ta' politiki favur in-nisa fi ħdan il-forzi armati, pereżempju l-possibilità ta' lif tal-maternità;

l-promozzjoni ta' mudelli ta' riferiment – nisa li wrew kuraġġ kbir u li kkontribixxew għall-bidla;

l-inklużjoni ta' aktar nisa, speċjalment fl-operazzjonijiet ċivili, f'pożizzjonijiet ta' grad għoli u fl-interazzjonijiet mal-komunità lokali;

taħriġ fil-fond ta' rġiel u nisa involuti fl-interazzjoni ċivili dwar aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, dwar il-protezzjoni, il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, u wkoll dwar il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti, abiex titjieb il-protezzjoni għal dawk li qegħdin jieħdu sehem u sabiex jiġi żgurat li ma hemmx differenzi fil-provediment ta' taħriġ għan-nisa u l-irġiel;

5.

Jitlob finanzjament tal-UE adegwat, inkluż taħt l-Istrument għall-Istabiltà, għall-appoġġ tal-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fl-istituzzjonijiet rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u lokali u fil-livelli kollha, u l-kontribut tagħhom għalihom, għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, in-negozjati għall-paċi, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-ippjanar wara l-kunflitt;

6.

Jinnota l-ħtieġa li jiġi stabbilit kodiċi ta' kondotta għall-persunal tal-UE li jservu fil-missjonijiet militari u ċivili li tagħmilha ċara li l-isfruttament sesswali jikkostitwixxi mġiba mhux ġustifikabbli u kriminali, u jeħtieġ li tkun infurzata b'mod strett f'każijiet ta' vjolenza sessswali mwettqa mill-persunal umanitarju, rappreżentanti ta' istituzzjonijiet internazzjonali, forzi għaż-żamma tal-paċi u diplomatiċi permezz ta' sanzjonijiet kriminali u amministrattivi severi; jitlob li jkun ma jkun hemm l-ebda tolleranza fil-konfront tal-isfruttament sesswali tat-tfal, u tan-nisa waqt kunflutti armati u f'kampijiet tar-rifuġjati u, għal dan il-fini, jilqa' l-investigazzjonijiet reċenti tan-NU f'allegazzjonijiet ta' sfruttament sesswali li jinvolvu l-persunal għaż-żamma tal-paċi tagħha fl-Operazzjoni tan-NU fil-Côte d’Ivoire;

L-impatt ta' kunflitti armati fuq in-nisa

7.

Jikkundanna b'mod qawwi l-użu kontinwu tal-vjolenza sesswali kontra n-nisa bħala tattika tal-gwerra li għandu jitqies bħala reat tal-gwerra; Jirrikonoxxi li l-ġrieħi fiżiċi u psikoloġiċi profondi li tali abbużi jħallu fuq il-vittmi, flimkien mal-konsegwenzi drammatiċi għall-familji tagħhom u jenfasizza li dan il-fenomenu għandu jiġi indirizzat permezz ta' programmi għall-appoġġ tal-vittmi u jħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tat-tmexxija politika bil-ħsieb li titfassal ġabra kkoordinata ta' miżuri għall-prevenzjoni u t-taffija tal-użu tal-vjolenza sesswali; josserva, f'dan ir-rigward, is-sitwazzjoni li tibqa' drammatika fil-Kongo; ifakkar li stupru tal-massa mwettaq minn gaj u li sar mit-30 ta' Lulju sal-4 ta' Awwissu 2010 fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo, li fl-2009 ġew rapportati minn tal-inqas 8 300 każ ta' stupru fil-Lvant tal-Kongo u li ġie rapportat li minn tal-inqas 1 244 mara ġiet stuprata fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li jfisser medju ta' 14-il każ ta' stupru kuljum; jenfasizza li din is-sitwazzjoni għadha l-istess fl-2011; iħeġġeġ liż-żewġ missjonijiet tal-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – EUPOL RD Kongo u EUSEC RD Kongo – sabiex jagħmlu l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-parteċipazzjoni tan-nisa l-prijoritajiet ewlenin fl-isforz favur ir-riforma tas-settur tas-sigurtà Kongoliż;

8.

Jenfasizza li, peress li l-vjolenza sesswali, fil-biċċa l-kbira huma n-nisa u tfal li jaqgħu vittmi tagħha, hija aggravata minħabba, fost oħrajn, id-differenza tal-ġeneru, il-firxa tal-vjolenza – kemm b'mod ġenerali kif ukoll b'mod partikolari permezz tal-militarizzazzjoni tas-soċjetà – u d-deterjorament tal-istruttura tas-soċjetà, il-prevenzjoni ta' tali delitt tal-gwerra għandha tingħata attenzjoni partikolari u għandhom jiġu mobilizzati riżorsi għaliha;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-introduzzjoni ta' miżuri mfassla biex irażżnu l-effetti negattivi tal-kunflitti armati fuq l-ħajja tal-familja;

10.

Jitlob aktar kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tan-nisa lokali sabiex tiġi stabbilita sistema ta' allarm bikri li tippermetilhom jipprevjenu l-abbużi jew inaqqsu l-frekwenza tagħhom huma stess;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali, b’mod partikolari l-gruppi tan-nisa u dawk b'aġenda sensittiva għall-ġeneru, permezz ta’ finanzjament aċċessibbli u l-bini ta' kapaċità biex dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom ta’ għassiesa, b’mod speċjali fil-kuntest ta’ stati li ma jiffunzjonawx;

12.

Jinsab diżappuntat ħafna li l-awturi tal-vjolenza sesswali jkomplu jaħarbu milli jiġu kkastigati; jitlob bil-qawwa li din l-impunità titwaqqaf għal dawk li jwettqu vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw li l-liġijiet dwar l-impunità jkunu rispettati, u jitlob it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja permezz tat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi fl-investigazzjoni u l-kastig ta' każijiet ta' vjolenza sesswali; jitlob, għalhekk, li l-każijiet ta' prosekuzzjoni jkunu viżibbli ħafna u ppubbliċizzati sew, bħala mezz biex tinxtered il-kelma li prattik bħal dawn huma intollerabbli;

13.

Jitlob li l-kwistjoni tal-impunità tkun fattur importanti fin-negozjati għall-paċi, peress li ma jistax ikun hemm il-paċi mingħajr ġustizzja, u r-responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-qorti u jaffaċċjaw il-konsegwenzi penali tal-azzjonijiet tagħhom; jenfasizza li l-impunità ma għandhiex tkun negozjabbli; jiddeplora l-fatt li proċedimenti ġudizzjarji kontra l-awturi tal-vjolenza fuq in-nisa fil-gwerra spiss għandhom ritmu baxx wisq u joħolqu tbatija ulerjuri għall-vittmi, u għalhekk jappella għall-ġustizzja affidabbli u ekwa li għandha ssir fi żmien raġonevoli u b'rispett għad-dinjità tan-nisa li huma vittmi tal-gwerra;

14.

Jenfasizza li l-edukazzjoni għandha rwol ewlieni, mhux biss fl-emanċipazzjoni tan-nisa u tfajliet, iżda wkoll fil-ġlieda kontra l-isterjotipi u fl-iżvilupp tal-mentalità tan-nies; jilob li jkunu introdotti u/jew li jiżdiedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni bħala parti minn programmi edukattivi, li jġibu r-rispett għad-dinjità tan-nisa fuq quddiem;

15.

Jitlob li l-forzi armati jkollhom kliniki għan-nisa biex jittrattaw il-vjolenza sesswali u psikoloġika fiż-żoni tal-gwerra;

16.

Jitlob li nisa vittmi ta' maltrattament u vjolenza matul kunflitti jkunu jistgħu jressqu lmenti quddiem il-qrati internazzjonali f'kundizzjonijiet kompatibbli mad-dinjità tagħhom u taħt il-protezzjoni ta' dawk il-qrati kontra attakki fiżiċi u trawma minħabba interrogatorji f'sitwazzjonijiet li juru insensitività fil-konfront tat-trawma; jitlob li f'każijiet bħal dawn in-nisa kkonċernati jingħataw kumpens kemm f'termini ċivili kif ukoll kriminali, u li l-programmi ta' assistenza jiġu implimentati biex jgħinuhom jerġgħu jiksbu l-integrazzjoni ekonomika, soċjali u psikoloġika;

17.

Jitlob l-UE u l-Istati Membri jappoġġaw b'mod effikaċi l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq n-nisa u l-bniet, permezz ta' miżuri speċifiċi bħal:

l-istabbiliment ta' sistema effikaċi ta' monitoraġġ tal-proċeduri legali kollha relatati ma' każijiet ta' vjolenza bħal din u s-segwitu tagħhom;

l-adozzjoni ta' miżuri, strateġiji u programmi li jiffukaw mhux biss fuq il-protezzjoni u l-elementi tal-prosekuzzjoni, iżda, aktar importanti minn hekk, fuq il-prevenzjoni;

programmi li jipprovdu konsulenza psikoloġika u fuq is-saħħa b'xejn għall-vittmi ta' vjolenza fil-lingwa nattiva tagħhom u skont il-kultura u d-drawwiet tagħhom, fejn possibbli, minn konsulenti nisa;

programmi li jipprovdu korsijiet dwar is-saħħa u letteratura li hija aċċessibbli faċilment, b'mod partikolari dwar is-saħħa riproduttiva u sesswali, intiża għan-nisa u l-irġiel u kampanji ta' sensibilizzazzjoni jkunu mfassla biex ikunu adattati għall-kulturi tal-persuni li għalihom huma maħsuba;

passi speċifiċi li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li n-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt ikollhom aċċess ġust għal sistemi ta' saħħa pubblika (12), fil-kura primarja partikolari, inklużi l-protezzjoni tal-omm u tat-tifel kif definiti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (13), u kura ġinekoloġika u ostetrika,

l-iżvilupp ta' programmi ta' protezzjoni tax-xhieda sabiex jiġu protetti l-vittmi u jinkoraġġuhom, taħt il-garanzija tal-protezzjoni, iressqu l-ilment tagħhom u jixhdu kontra l-aggressuri tagħhom;

18.

Jenfasizza l-importanza kruċjali li jkun żgurat li n-nisa jkunu atturi ugwali fil-proċessi relatati mar-riforma tal-ġustizzja u jew il-ġustizzja tranżnazzjonali biex ikun jistgħu jinsistu b’mod effiċjenti fuq l-infurzar ta’ drittijiet ugwali fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali;

19.

Jitlob lill-Kumissjoni, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-Parlament isibu mezzi biex jippromwovu l-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma tal-1998 (għall-Qorti Kriminali Internazzjonali) mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għadhom ma għamlux dan, bħala pass meħtieġ lejn il-ħarsien tad-drittijiet sesswali tan-nisa waqt żminijiet ta’ gwerra u sabiex tkun evitata l-impunità ta’ min iwettaq id-delitti;

20.

Jikkundanna t-teħid tal-ostaġġi u jitlob li jkun hemm pieni eħrex għal min juża l-bnedmin bħala tarka f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

21.

Jitlob li l-priġunieri nisa jkunu akkomadati f'akkomodazzjonijiet separati minn dawk tal-irġiel, b’mod partikolari biex ikun evitat l-abbuż sesswali;

22.

Jenfasizza l-importanza tad-dritt li l-qraba jkunu jafu x'sar mill-qraba li jkunu ġew irrappurtati nieqsa, u jitlob lill-partijiet involuti f'kunflitti armati biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jagħtu rendikont dwar il-persuni rapportata nieqsa;

23.

Jitlob li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jipprovdu ħarsien addizzjonali għan-nisa kontra l-istupru, il-prostituzzjoni furzata u kwalunkwe forma oħra ta’ attentat għall-pudur, kif ukoll il-kura partikolari għan-nisa tqal u għall-ommijiet ta’ tfal żgħar fir-rigward il-provvista ta’ ikel, ħwejjeġ, evakwazzjoni u trasport u faċilitajiet mediċi sabiex ikunu evitati każijiet ta’ tqala mhux mixtieqa u mard trażmess sesswalment, bħala oqsma prijoritarji fil-qafas tal-Istrument ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp għall-perjodu 2014-2020;

24.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li tistabbilixxi unitajiet ta’ rispons rapidu magħmula minn persunal imħarreġ (bħal tobba, psikologi, soċjologi, konsulenti legali eċċ.) bil-ħsieb li jipprovdu appoġġ immedjat u in situ għall-vittmi ta’ delitti fuq bażi ta’ ġeneru;

25.

Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1960 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li teħtieġ informazzjoni dettaljata dwar dawk li allegatament ikkommettew vjolenza sesswali waqt kunflitti armati; jistieden lill-Istati Membri jżiedu l-isforzi tagħhom fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1960;

26.

Jitlob analiżi tal-possibilità ta' kumpens adegwat għall-vittmi, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riperkussjonijiet psikoloġiċi fuq il-familji u t-tfal tal-vittmi, b'mod konformi mal-liġi internazzjonali u nazzjonali applikabbli;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jemanċipaw lin-nisa fir-rigward tad-drittijiet tagħhom u aċċess għall-art, l-wirt, l-kreditu u t-tfaddil f'sitwazzjonijiet wara l-kunflitti, speċjalment f'pajjiżi fejn id-drittijiet tal-proprjetà tan-nisa mhumiex legalment infurzabbli jew soċjalment rikonoxxuti;

28.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-immaġni tan-nisa bħala vittmi vulnerabbli tiġi kkumplimentata bl-immaġni tan-nisa bħala grupp differenzjat ferm ta' atturi soċjali, li għandhom riżorsi u ħiliet ta' valur u li għandhom l-aġendi proprji tagħhom; huwa tal-fehma li n-nisa jinfluwenzaw l-iżvolġiment tal-avvenimenti u għandhom isawru l-iżvilupp tal-proċess; huwa tal-fehma li n-nisa li sfaw vittmi ta' gwerra, ma għandhomx jibqgħu jkunu kkunsidrati bħala vittmi tal-gwerra biss iżda aktar bħala atturi fl-istabbilizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza li n-nisa b'mod ġenerali jistgħu jwettqu dan ir-rwol biss ladarba huma jkunu rappreżentati b'mod ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi;

29.

Jenfasizza li l-fehim tan-nies rigward ir-rwol tan-nisa fis-soċjetajiet wara gwerra u tal-kontribut tagħhom għar-rikostruzzjoni wara l-gwerra, għandu jmur lil hinn min-narrattiva universalistika ta' "l-esperjenza tan-nisa fil-gwerra" u li l-ispeċifiċità u d-diversità tal-esperjenzi tan-nisa għandhom jiġu rikonoxxuti;

Rakkomandazzjonijiet

30.

Jitlob il-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fi ħdan is-SEAS, sabiex jissemplifika l-perspettiva tal-ġeneru u jikkoordina b'mod aktar effiċjenti mas-servizzi korrispondenti tiegħu fin-NU; jitlob li l-politiki tal-EU relevanti kollha, il-gruppi ta' azzjoni u l-unitajiet/il-punti fokali li jittrattaw l-ugwaljanza tas-sessi u s-sigurtà jkunu taħt il-koordinazzjoni ta', jew marbuta ma', dan ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-effiċjenza, kif ukoll l-implimentazzjoni sistematika, konsistenti u komprensiva tal-istrateġiji li għandhom jiġu adottati u l-azzjoni li għandha tittieħed;

31.

Jitlob li l-grupp ta' azzjoni informali "In-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà" jingħata sostenn u jkun rikonoxxut

32.

Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru fil-kuntest tar-riċerka tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-riżoluzzjoni tagħhom, l-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta’ wara l-kunflitti u l-komponent tal-integrazzjoni tal-ġeneru fid-Dokumenti ta’ Strateġija għall-Pajjiż;

33.

Jinkoraġġixxi bis-saħħa lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw kwistjonijiet ta' żvilupp – b'mod partikolari r-rikonoxximent tad-dritt tal-ommijiet li jirċievu l-ħarsien u l-appoġġ u li jindukraw u jrabbu lil uliedhom, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà ekonomika tan-nisa, b’attenzjoni speċjali għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, partikolarment fir-rigward tas-sjieda u tal-kultivazzjoni tal-art – fl-azzjonijiet tagħhom li jolqtu lin-nisa fiż-żoni ta' kunflitt;

34.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tadotta lista ta' 17-il indikatur implimentattiv sabiex ikun evalwat ir-rendiment proprju tagħha dwar kwistjonijiet tal-ġeneru fil-pajjiżi fraġli, f'kunflitt u wara kunflitt; jenfasizza li dwan l-indikaturi, li għandhom jinkludu wkoll kejl kwalitattiv, jeħtieġu jittejbu. jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE iqisu l-konklużjonijiet ta' dan il-proċess ta' evalwazzjoni matul il-fażijiet tal-ipprogrammar u tal-implimentazzjoni;

35.

Jistieden lis-SEAE, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010, sabiex jiżgura li l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-inizjattivi tal-pajjiżi favur il-promozzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fis-sitwazzjonijiet qabel il-kunflitt, matul il-kunflitt u wara l-kunflitt ikunu ġestiti fil-livell ta' delegazzjoni sabiex jolqtu aktar l-elementi speċifiċi ta' kull kuntest u l-probabilità ta’ dimensjoni reġjonali eżistenti;

36.

Jistieden l-Istati Membri jadottaw, jimplimentaw u jimmonitarjaw l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw fil-pjanijiet u l-istrateġiji tagħhom għadd ta' standards minimi li jinkludu objettivi realistiċi bl-indikaturi speċifiċi, il-punti ta’ riferiment, il-perjodi stabbiliti ta' żmien, il-baġit allokat u mekkaniżmu ta' monitoraġġ effikaċi; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-NGOs fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet ta' azzjoni;

37.

Jistieden lill-UE tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet u tippromwovi aktar nisa għal-livell ta' tmexxija, pereżempju bħala Kapijiet ta' Delegazzjoni tal-UE lejn pajjiżi terzi u Kapijiet ta' Missjoni tal-UE;

38.

Jenfasizza l-appell tal-Kummissjoni biex l-UE ssostni lill-pajjiżi terzi fil-konformità mal-obbligi internazzjonali u fl-implimentazzjoni tagħhom, bħall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr, il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, u d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-NU;

39.

Jappoġġa bis-sħiħ l-inklużjoni ta' Konsulenti dwar is-Sessi jew Punti Fokali dwar is-Sessi fi ħdan il-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK) u d-delegazzjonijiet tal-UE u jistieden lill-RGħ/VP tipprevjeni l-mandat doppju tagħhom u tipprovdihom b'riżorsi u awtorità adegwati;

40.

Jenfasizza l-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi, id-diskriminazzjoni (ibbażata fuq il-ġeneru, kulturali jew ibbażata fuq ir-reliġjon) u l-vjolenza domestika, flimkien mal-importanza tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod ġenerali; jinnota li dawn il-kampanji għandhom jiġu kkumplimentati mill-promozzjoni ta' dehra pożittiva tan-nisa permezz ta' referenza għal personaġġi eżemplari nisa fil-kuntest tal-midja u r-reklamar, il-materjali edukattivi u l-internet;

41.

Jitlob l-istabbiliment ta' proċeduri adegwati għat-tressiq tal-ilmenti tal-pubbliku fil-kuntest ta' missjonijiet tal-PSDK, li b'mod partikolari se jgħinu r-rappurtar ta' vjolenza sesswali u dik bbażata fuq il-ġeneru; jistieden lir-RGħ/VP sabiex tinkludi rapport dettaljat dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fl-evalazzjoni ta' kull sitt xhur tal-missjonijiet tal-PSDK; ifakkar li l-missjonijiet tal-PSDK huma fost l-aktar għodda importanti tal-EU sabiex juru l-impenn tagħha favur l-objettivi tar-Riżoluzzjonijiet 1820 u 1325 tal-KSNU f'pajjiżi u reġjuni milquta minn kriżijiet;

42.

Jitlob baġit speċifiku allokat għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tad-data miġbura fuq il-bażi ta' indikaturi żviluppati fil-livell tal-UE; jitlob linji baġitarji speċifiċi għall-għarfien dwar is-sessi, u proġetti u attivitajiet dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fil-missjonijiet tal-PSDK;

43.

Jistieden lill-awtorità baġitarja tal-UE żżid ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa fl-Istrumenti ta' Finanzjament għall-Iżvilupp futuri għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020;

44.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri neċessarji biex itejbu l-kumplimentarità u l-mobilizzazzjoni f'waqtha tal-istrumenti finanzjarji kollha għall-azzjoni esterna tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, l-Istrument għall-Għajnuna Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istrument għall-Istabilità, sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni tar-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni tan-nisa fi żmien ta' gwerra;

45.

Jitlob għall-appoġġ speċifiku mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) fir-rigward tal-ġbir, l-ipproċessar u t-tqassim ta' prassi effikaċi fir-rigward tal-integrazzjoni ta' ugwaljanza tas-sessi fl-implimentazzjoni tal-indikaturi ta' Pekin fil-qasam tan-nisa u l-kunflitti armati;

46.

Jenfasizza r-rwol importanti tas-Sħubija KE/NU dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-Iżvilupp u l-Paċi li hija intiża biex tidentifika approċċi għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa f'modalitajiet ta' għajnuna ġodda, u biex jipprovdi appoġġ għall-isforzi tas-sħab nazzjonali biex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex l-impenn tagħhom għall-ugwaljanza bejn is-sessi jkun rifless permezz ta' allokazzjonijiet finanzjarji adegwati fil-programmi nazzjonali għall-iżvilupp u l-baġits; jenfasizza li dan il-proġett jiffoka b'mod partikolari fuq ir-rwol tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara l-kunflitt, u speċjalment fuq l-implimentazzjoni xierqa tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

47.

Jistieden lill-Unjoni, meta tkun qiegħda tipproponi għajnuna għal rikostruzzjoni wara kunflitt, tiffoka fuq it-twaqqif ta' skejjel bil-ħsieb li tittejjeb l-edukazzjoni għas-subien u l-bniet;

48.

Jilqa' l-inizjattivi varji biex jinħolqu indikaturi speċifiċi għas-sessi ta' twissija bikrija u ta' sorveljanza tal-kunflitti, bħal dawk meħuda mill-NU għan-Nisa, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Fondazzjoni Svizzera għall-Paċi, it-Twissija Internazzjonali u l-Forum dwar Twissija Bikrija u Rispons Bikri;

49.

Jenfasizza l-importanza li n-nisa jitpoġġew fiċ-ċentru tal-provvista tal-ilma, tas-sanità u tal-politika dwar l-iġjene f'żoni ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitti u jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiżdied l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, is-sanità adegwata u l-ilma għal skopijiet ta' produzzjoni;

*

* *

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  A/RES/48/104..

(2)  Anness mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-7 ta' Marzu 2011.

(3)  Dokument tal-Kunsill 09990/2011 tal-11 ta' Mejju 2011

(4)  Dokument tal-Kunsill 15671/1/2008 tal-1 ta’ Diċembru 2008.

(5)  Dokument tal-Kunsill 08373/3/2005 tat-18 ta' Mejju 2005.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0439.

(7)  ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 32.

(8)  ĠU C 298E, 8.12.2006, p. 287.

(9)  Studju tal-impatt fuq għaxar snin dwar l-Inplimentazzjoni tal-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fiż-Żamma tal-Paċi, Rapport Finali lid-Dipartiment għall-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi, id-Dipartiment tas-Sostenn għall-Missjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, 2010

(10)  Dok. tal-Kunsill 11948/2010 tal-14 ta' Lulju 2010.

(11)  Dok. tal-Kunsill 09990/2011 tal-11 ta' Mejju 2011.

(12)  Kif stabbilit fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Kunsill tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Ewropa (riveduta), Parti I, Prinċipju 11.

(13)  Il-56 Assemblea Dinjija tas-Saħħa A56/27, punt 14.18 tal-abbozz ta' aġenda, tal-24 ta' April 2003, Konferenza Internazzjonali dwar Kura tas-Saħħa Primarja, f'Alma-Ata: 25 anniversarju, Rapport mis-Segretarjat


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/83


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Kooperazzjoni għall-żvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030

P7_TA(2012)0029

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'appoġġ għall-objettiv ta' aċċess universali għall-enerġija sal-2030 (2011/2112(INI))

2013/C 239 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-għażla tal-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bħala rikonoxximent tal-importanza tal-aċċess għall-enerġija għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u għall-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs) (1),

Wara li kkunsidra t-tnedija mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta’ Inizjattiva għal Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd (2),

wara li kkunsidra t-twaqqif mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, ta’ Grupp Konsultattiv dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (AGECC) u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-28 ta’ April 2010, fejn identifika bħala prijoritajiet il-mira internazzjonali ta’ aċċess universali għal servizzi moderni ta’ enerġija għal kulħadd sal-2030 u t-tnaqqis tal-intensità enerġetika globali b’40% sal-2030 (3),

wara li kkunsidra l-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011 tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), li tenfasizza li madwar id-dinja madwar 1,3 biljun persuna m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku u, barra minn hekk, li madwar 2,7 biljun persuna m’għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir,

wara li kkunsidra l-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli dwar Enerġija għal Kulħadd – Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra li saret f’Oslo, in-Norveġja, fl-10 u fil-11 ta’ Ottubru 2011 u t-tnedija tas-Sħubija Internazzjonali għall-Enerġija u l-Klima – l-Inizjattiva Energy+,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-aċċess għal sorsi ta' enerġija sostenibbli fil-livell lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tad-19 ta' Mejju 2009, li jfakkru li "l-aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli u għal servizzi moderni tal-enerġija huwa prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, kif ukoll biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs)" u li "l-iffokar fuq l-enerġija sostenibbli se jikkonsolida l-progress lejn l-MDGs u se jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-kriżi globali u biex jittaffa t-tibdil fil-klima",

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Lulju 2002 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (COM(2002)0408),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-iżvilupp fil-futur tal-Inizjattiva tal-UE għall-Enerġija u l-modalitajiet għall-istabbiliment ta’ Faċilità għall-Enerġija għall-pajjiżi ACP (COM(2004)0711),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla” (COM(2011)0637),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0442/2011),

A.

billi madwar id-dinja madwar 1,3 biljun persuna – li 84% minnhom jgħixu f’żoni rurali – m’għandhom l-ebda aċċess għall-elettriku; billi, barra minn hekk, 2,7 biljun persuna m’għandhomx faċilitajiet nodfa għat-tisjir (4), sitwazzjoni li tikkaġuna duħħan fuq ġewwa li hu responsabbli għal ’il fuq minn 1,4 miljun mewta prematura fis-sena, li tagħmilha, wara l-HIV/AIDS, it-tieni l-aktar raġuni frekwenti ta’ mwiet prematuri madwar id-dinja (5); billi n-nuqqas attwali ta' aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni f'ħafna pajjiżi foqra rriżulta f'inugwaljanza tal-ġeneru u partikolarment fi żvantaġġi għan-nisa u t-tfal,

B.

billi l-aċċess għall-enerġija huwa essenzjali għar-realizzazzjoni ta' bosta drittijiet li jinsabu fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966 u fi strumenti ġuridiċi internazzjonali oħrajn fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent,

C.

billi l-MDGs mhux se jintlaħqu sakemm ma jsirx progress sostanzjali fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-enerġija, liema progress jirrikjedi investiment annwali li hu stmat fil-livell ta’ USD 48 biljun sal-2030, li hu ekwivalenti għal madwar 3% tal-investiment globali fl-infrastruttura tal-enerġija previst għall-perjodu sal-2030 u li jwassal għal żieda modesta ta’ 0,7% fl-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030 (6);

D.

billi sorsi ta' enerġija rinnovabbli, u speċjalment soluzzjonijiet deċentralizzati żgħar, għandhom potenzjal enormi għall-provvista ta' servizzi tal-enerġija affidabbli, sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli għall-fqar, partikolarment f'żoni rurali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jinsabu f'żoni b'aċċess għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli b'abbundanza, speċjalment l-enerġija solari u tar-riħ; billi għad hemm ħafna sfidi biex tiġi garantita l-espansjoni tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fosthom il-finanzjament, il-bini ta' kapaċità, it-trasferiment tat-teknoloġija u r-riforma tal-governanza,

E.

billi l-użu ta' teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli huwa essenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet ta' fjuwils fossili u l-volatilità tal-prezzijiet relatata; billi l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira (bħal pereżempju l-idroelettriku u l-għelejjel għall-enerġija) jaf ikollhom ukoll konsegwenzi soċjali u ambjentali gravi għall-popolazzjoni lokali, jiġifieri fuq is-sigurtà tal-ilma jew dik alimentari; billi valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti ambjentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli hija għalhekk prerekwiżit importanti għall-finanzjamenti minn donaturi,

F.

billi l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd ifisser aċċess għal firxa sħiħa ta’ servizzi tal-enerġija (mhux biss elettriku) li wieħed jeħtieġ u jkun irid, pereżempju t-tidwil, it-tisjir u t-tisħin tal-ilma, it-tisħin tal-ispazji, l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-enerġija għal użi produttivi u għall-ġenerazzjoni tal-introjtu;

G.

billi 8% biss tal-USD 409 biljun mogħtija f’sussidji għall-fjuwils fossili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2010 marru għall-20% tal-popolazzjoni bl-iktar introjtu baxx (7);

H.

billi r-riżultati tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Enerġija jikkorelataw b’mod qawwi ma’ dawk tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem fl-istennija tal-għomor, l-edukazzjoni, il-PGD per capita u indikaturi oħra tal-istandard tal-għajxien;

I.

billi fl-Afrika Sub-Saħarjana, kważi 70% tat-total tal-abitanti ma għandhomx aċċess għall-elettriku; billi ż-żieda demografika sebqet l-elettrifikazzjoni u l-għadd ta' nies mingħajr aċċess għall-elettriku żdied,

J.

billi fl-LDCs b’mod partikolari, minoranza żgħira biss tal-popolazzjoni għandha aċċess għall-grilja; billi l-aċċess għall-grilja mhux se jilħaq il-popolazzjoni kollha fil-futur qarib, li jfisser li soluzzjonijiet deċentralizzati bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma’ grilja żgħira huma l-uniku mod vijabbli kif jiġi provdut aċċess universali għall-enerġija fis-snin li ġejjin;

K.

billi r-rispett għall-istat tad-dritt u governanza b'saħħitha huma fatturi fundamentali li għandhom ikunu promossi sabiex ikun attirat l-investiment privat meħtieġ biex jinkiseb bis-sħiħ l-aċċess universali għall-enerġija,

L.

billi l-aħħar komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-enerġija fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp inħarġu fl-2002 u fl-2004;

1.

Jenfasizza li minkejja li ma jeżisti l-ebda Għan ta' Żvilupp tal-Millennju relatat speċifikament mal-enerġija, l-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni u sostenibbli għal kulħadd (minn hawn 'il quddiem "aċċess universali għall-enerġija") huwa prerekwiżit biex jintlaħqu l-MDGs; jemmen għalhekk li l-enerġija għandha tingħata prijorità fid-dibattitu dwar il-qerda tal-faqar, filwaqt li jiġi garantit li iżjed aċċess għas-servizzi tal-enerġija moderni jkun konsistenti mal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għall-aċċess universali għall-enerġija għas-sena 2012, li ġiet iddedikata għal din il-kwistjoni min-NU;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw u jimpenjaw ruħhom li jappoġġaw il-mira internazzjonali (maħluqa min-NU) ta’ aċċess universali għall-enerġija sal-2030, u jallinjaw il-politiki tagħhom u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ dan l-objettiv;

3.

Jenfasizza li l-massimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabili tirrappreżenta s-soluzzjoni ideali li l-komunità internazzjonali għandha tadotta biex tikseb l-aċċess universali għas-servizzi tal-enerġija moderni, filwaqt li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex tintegra l-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija fil-politiki rilevanti tal-UE, kif ukoll fis-setturi kollha tal-politika għall-iżvilupp, bħall-agrikoltura, l-industrija, il-kummerċ, is-saħħa u l-ilma, u tiżgura li jkun hemm koerenza fil-politiki u s-setturi għall-objettiv tal-aċċess universali għall-enerġija;

4.

Jilqa' favorevolment il-fatt li l-enerġija tissemma bħala wieħed mill-punti fokali tal-“Aġenda għall-Bidla” u jistenna li l-Kummissjoni taġixxi f'dan is-sens; jistieden lill-Kummissjoni la tissubordina l-aċċess għall-enerġija għas-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima u lanqas ma tħawwadha magħhom, li jissemmew ukoll;

5.

Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ programm speċifiku “enerġija u żvilupp”, b’iffukar speċjali fuq l-aċċess universali għall-enerġija, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

6.

Josserva li l-esperjenzi wrew li l-kapaċità tal-elettriku ċentralizzata u l-objettivi tal-estensjoni tal-grilja spiss naqsu milli jtejbu s-servizzi tal-enerġija għall-foqra; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' sostenn favur soluzzjonijiet deċentralizzati rinnovabbli, bħal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, mhux kollegati mal-grilja jew ma' grilja żgħira, biex jintlaħqu l-partijiet kollha tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-popolazzjonijiet foqra u rurali; jistieden lill-UE tiffoka l-isforzi tagħha, finanzjarjament u teknikament, fuq dawn is-soluzzjonijiet fuq skala żgħira għall-faqar tal-enerġija f’żoni mbiegħda;

7.

Josserva l-potenzjal enormi għall-enerġija rinnovabbli f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiġi garantita provvista enerġetika sostenibbli u titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u b'hekk titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-fluttwazzjonijiet fil-prezz tal-enerġija;

8.

Jenfasizza li l-Faċilità għall-Enerġija hija internazzjonalment waħda mill-ftit mekkaniżmi finanzjarji li jipprovdu finanzjament għal soluzzjonijiet tal-enerġija fuq skala żgħira, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli u testendi l-finanzjament ta’ dan it-tip ta’ proġett fil-perjodu finanzjarju li jmiss mill-2014 ‘il quddiem;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-investimenti appoġġati mill-Faċilità għall-Enerġija rigward it-titjib tal-aċċess għal servizzi bażiċi tal-enerġija għal persuni li jgħixu fil-faqar, u ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-suċċessur tal-Faċilità għall-Enerġija fil-perjodu finanzjarju l-ġdid wara l-2013 f’dan is-sens;

10.

Jenfasizza li, jekk jiġi implimentat korrettament, l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli biex jipprovdu servizzi tal-enerġija jistgħu joffru soluzzjoni ekonomika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'benefiċċji għas-saħħa, l-ambjent u l-iżvilupp lokali; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn li jitqies l-impatt ambjentali tal-użu tal-enerġija rinnovabbli biex jitjieb l-aċċess universali għall-enerġija, speċjalment fil-każ tal-idroelettriku, il-bijomassa jew l-agrokarburanti;

11.

Jistieden lill-UE tiżviluppa linji gwida ċari dwar il-kriterji tas-sostenibilità ambjentali għall-finanzjament ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel mill-użu tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata jew minn bidla għal produzzjoni sostenibbli b’effiċjenza enerġetika għolja u bi ftit emissjonijiet tal-karbonju kundizzjoni prijoritarja għall-appoġġ għal proġetti ġodda tal-enerġija;

12.

Jisħaq fuq ir-rwol li l-kumpaniji privati għandhom jiżvolġu biex jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jilħqu l-MDGs, filwaqt li jitqies b’mod partikolari l-aċċess universali għall-enerġija; jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta' sostenn favur l-iżvilupp ta' riżorsi finanzjarji u ta' kompetenzi teknoloġiċi adattati għal swieq bi dħul baxx, partikolarment permezz ta' involviment iktar qawwi tal-kumpaniji privati fi sħubiji istituzzjonali nazzjonali kif ukoll internazzjonali;

13.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-Faċilità għall-Enerġija, it-trasferiment tat-teknoloġiji, inklużi l-għarfien tekniku, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, li jkun xieraq għall-għoti ta' servizzi tal-enerġija moderni għall-persuni foqra, fost il-pajjiżi sħab fin-Nofsinhar u bejn l-Ewropa u n-Nofsinhar, iddedikati għall-iżvilupp tal-kapaċità, inklużi l-ġemellaġġi, l-iskambju tal-persunal u taħriġ prattiku, biex jiġu vvalutati u assorbiti l-għażliet teknoloġiċi; jinkoraġġixxi wkoll it-trasferiment tat-teknoloġija tal-effiċjenza enerġetika f'dan ir-rigward biex l-enerġija tkun tista' tintuża bl-aktar mod produttiv, bil-għan li jiġu massimizzati s-servizzi tal-enerġija li ċerta kwantità ta' enerġija tista' toffri;

14.

Jappella biex tingħata attenzjoni speċjali lill-użi produttivi tal-enerġija fl-iżvilupp u fil-finanzjament ta' proġetti/programmi, bħala mekkaniżmu fundamentali għall-promozzjoni soċjoekonomika u l-ġenerazzjoni ta' dħul;

15.

Jenfasizza li sħubiji effikaċi bejn is-settur privat, is-settur pubbliku, il-komunitajiet u l-gvernijiet lokali se jkunu meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għas-servizzi tal-enerġija sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tuża, kull fejn ikun possibbli, approċċ tas-suq għal soluzzjonijiet tal-enerġija ġodda/innovattivi, pereżempju billi trawwem il-produzzjoni lokali, tiffaċilita l-introduzzjoni tagħhom fis-suq jew tipprovdi informazzjoni tas-suq, biex tiżgura l-appartenenza lokali u s-sostenibilità; jistieden, partikolarment, lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-kapaċità tal-governanza biex ikun possibbli li jiġu replikati proġetti fuq skala żgħira marbuta mas-servizzi tal-enerġija permezz tal-promozzjoni tal-SMEs;

16.

Jemmen li l-investiment privat u l-parteċipazzjoni tiegħu huma fundamentali biex jintlaħaq għalkollox l-aċċess universali għall-enerġija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi l-istat tad-dritt fl-azzjonijiet kollha tagħha ta’ għajnuna, partikolarment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati;

17.

Jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxi, l-inċentivi u r-rekwiżiti regolatorji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw lil dawk il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jinvestu fis-settur tal-enerġija;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki rigward l-aktar inċentivi effiċjenti biex tiġi faċilitata l-espansjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

19.

Jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ politika u oqfsa legali tajba u ta’ standards tekniċi li jsaħħu l-kapaċità lokali u jiġġeneraw il-fiduċja fost l-investituri tas-settur privat, inkluża l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi ta’ investiment lokali;

20.

Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-fondi pubbliċi minn gvernijiet sħab, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-ODA fil-mobilitazzjoni tal-investiment privat meħtieġ; jenfasizza wkoll il-fatt li l-għajnuna tal-UE għat-titjib tal-aċċess għall-enerġija għandha ssostni l-ekonomiji lokali, l-impjiegi ħodor u t-tnaqqis tal-faqar u ma tridx tkun marbuta mal-involviment tal-impriżi tal-UE jew użata biex tissussidjahom;

21.

Jirrikonoxxi li s-settur pubbliku waħdu mhuwiex se jkun kapaċi jipprovdi l-bżonnijiet finanzjarji kollha meħtieġa għall-espansjoni tal-aċċess għall-enerġija; jindika, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investituri privati u r-riformi orjentati lejn is-suq fis-settur tal-enerġija; jenfasizza, madankollu, li l-attenzjoni dejjem ikbar fuq l-użu tas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat u fuq l-attrazzjoni ta' fondi mingħand finanzjaturi privati tista' tnaqqas negattivament l-attrattiva finanzjarja tal-proġetti lokali dwar l-enerġija rinnovabbli, billi tali proġetti huma inqas "bankabbli" mill-proġetti l-kbar kollegati mal-grilja, li spiss jaqdu lill-industriji l-kbar; jenfasizza, għalhekk, li r-responsabilità aħħarija biex jiġi żgurat aċċess għal servizzi universali, speċjalment enerġija għall-but ta' kulħadd għall-foqra u għall-popolazzjonijiet imbiegħda, tibqa’ tal-istat;

22.

Jenfasizza l-fatt li hemm diversi modi għall-gvernijiet sħab kif jippromwovu l-aċċess universali għall-enerġija permezz tal-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni, il-kuntratti jew il-liċenzjar, billi jimponu obbligi tas-servizz universali, imfassla apposta għall-ħtiġijiet u l-possibilitajiet tal-pajjiż, bħal:

miri ta’ kopertura fi ftehimiet ta’ konċessjoni jew ta’ liċenzjar,

trattament divrenzjat tal-konsumaturi abbażi tal-kapaċità finanzjarja,

sussidji jew fondi ffukati fuq kategoriji partikolari ta’ konsumaturi u żoni rurali mbiegħda,

rieżami ta’ sussidji, taxxi u dazji kontroproduttivi, pereżempju bidla minn fjuwils fossili għal enerġija rinnovabbli deċentralizzata biex jittejbu l-aċċess għall-enerġija u l-effiċjenza enerġetika,

il-liberalizzazzjoni tad-dħul tal-operaturi f’żoni mhux moqdija,

inċentivi fiskali biex tiġi ffaċilitata l-estensjoni tal-infrastruttura;

miżuri biex jiġi żgurat li l-enerġija disponibbli tintuża b'mod kemm jista' jkun effiċjenti;

23.

Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom serjament fir-rigward tal-għan tal-aċċess universali għall-enerġija, u jirrakkomanda żieda fl-għajnuna għall-ministeri tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jiġġustifikaw l-appoġġ – fil-perjodu finanzjarju l-ġdid – għall-aċċess universali għall-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji tal-enerġija sostenibbli għat-tul taż-żmien u kooperazzjoni reġjonali mtejba fi kwistjonijiet tal-enerġija;

24.

Jenfasizza l-importanza ta’ parteċipazzjoni trasparenti u demokratika mis-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u r-regolaturi fis-settur tal-enerġija, biex ikunu jistgħu jissorveljaw l-għoti ta’ aċċess universali għall-enerġija, u anke biex jiżguraw governanza tajba u kompetizzjoni ġusta u jrażżnu l-korruzzjoni;

25.

Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-NGOs biex jaqdu r-rwol xieraq tagħhom fl-iżgurar u fis-sorveljanza tat-trasparenza, tal-proċessi demokratiċi u ta’ ambjent ġuridiku stabbli;

26.

Josserva bi tħassib li s-Sħubija Afrika-UE fis-settur tal-enerġija (AEEP) u s-sottoprogramm tagħha għall-enerġija rinnovabbli tidher li qed tikkonċentra primarjament fuq proġetti kbar u interkonnetturi b'inqas enfasi fuq is-soluzzjonijiet tal-enerġija lokali; iħeġġeġ lill-UE tastjeni milli tiżviluppa approċċ minn fuq għal isfel fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura enerġetika, billi tqis li l-infrastrutturi fuq skala kbira jafu ma jkunux adattati għall-istruttura ekonomika u soċjali tal-pajjiż u jonqsu milli jipprovdu aċċess għall-enerġija għall-foqra, li għalihom normalment is-sorsi tal-enerġija lokali iżgħar huma aktar adegwati;

27.

Jinkoraġġixxi lill-UE tiddjaloga mal-gvernijiet sħab u mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tiżgura li kemm il-politiki tal-enerġija nazzjonali kif ukoll l-istrateġiji għat-tnaqqis tal-faqar iqisu l-aċċess universali għall-enerġija;

28.

Jitlob li jkun hemm djalogu mal-pajjiżi sħab u mal-korpi reġjonali biex tiġi inkluża kunsiderazzjoni speċifika tal-benefiċċji tal-inklużjoni ta’ servizzi tal-enerġija għal skopijiet ta’ tisjir fi pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali, u li l-pajjiżi sħab u l-korpi reġjonali jkunu inkoraġġiti jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-awtoritajiet lokali u ma’ parteċipanti mhux statali involuti fil-qasam tal-enerġija tal-abitazzjonijiet (għal skopijiet ta’ tisjir) bil-ħsieb li jiġi ddeterminat kif l-aħjar jiġi żgurat titjib sinifikanti u jitnaqqas in-numru ta’ mwiet minn mard respiratorju; jinkoraġġixxi l-użu ta' tagħmir tat-tisjir aktar effiċjenti, billi l-ħruq tradizzjonali ta' kwantitajiet kbar ta' bijomassa b'nar fil-beraħ għandu impatt dannuż għas-saħħa, partikolarment għan-nisa u t-tfal, kif ukoll impatti negattivi għad-deforestazzjoni;

29.

Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta annwalment dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-mira tal-aċċess universali għall-enerġija, wara li tkun stabbiliet indikaturi affidabbli, u dwar il-kontribut li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tkun għamlet fir-rigward tiegħu;

30.

Jipproponi li l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-iżvilupp tas-servizzi tal-enerġija għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni tal-ispiża finanzjarja relattiva u tal-prestazzjoni tal-għażliet kollha, filwaqt li jitqiesu l-kontributi għall-MDGs u l-objettivi nazzjonali ta’ żvilupp, kif ukoll il-kostijiet u l-benefiċċji relattivi ta’ sistemi ta’ enerġija deċentralizzati u ċentralizzati;

31.

Jenfasizza l-importanza li l-MDGs– b’mod partikolari dawk relatati mal-faqar, peress li l-aċċess għal servizzi tal-enerġija għall-but ta’ kulħadd huwa possibbli biss billi jitnaqqas in-numru ta’ persuni li jgħixu b’USD 1 kuljum sal-2015 – jiġu integrati fl-istrateġiji nazzjonali tal-enerġija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.

Jitlob lill-Kummissjoni teżamina u konsegwentament tuża s-sorsi potenzjali ta’ finanzjament minn sorsi relatati mat-tibdil fil-klima u mas-suq tal-karbonju għal investiment f’aċċess sostenibbli universali għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju għall-foqra;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa approċċi ġodda bbażati fuq ir-riżultati fis-settur tal-enerġija, bħal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati, ħlas mal-akkwist u għajnuna bbażata fuq ir-riżultati, li bħalissa qed jiġu ttestjati wkoll minn donaturi oħrajn, b’mod li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ għajnuna bbażata fuq id-domanda (“is-sieħeb jitlobha”) minflok għajnuna bbażata il-provvista (“id-donatur għandu espert disponibbli”);

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-konsum tal-enerġija mill-foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jikkontribwixxix b’mod sinifikanti, u għall-futur qarib mhux se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti, għall-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (1,3% tal-emissjonijiet globali sal-2030, skont l-IEA), u li biex jintlaħaq standard ta’ għajxien minimu aċċettabbli, il-konsum per capita tagħhom ta’ servizzi moderni ta’ enerġija għandu jiżdied mingħajr ma jiġi limitat minn miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkunu stretti wisq;

35.

Josserva bi tħassib li l-infrastruttura l-kbira tal-idroelettriku għadha tingħata attenzjoni mill-Bank Dinji u mill-BEI; ifakkar li l-esperjenzi wrew li tali proġetti mhux neċessarjament iżidu l-aċċess għall-foqra, iżda li dan l-objettiv jintlaqa' aħjar permezz ta' unitajiet tal-idroelettriku żgħar jew mikro għad-domanda lokali, u b'hekk jiġu evitati l-iżvantaġġi soċjali u ambjentali tal-proġetti l-kbar;

36.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ sensittività u kapaċità bankarja għal proġetti tal-enerġija fuq skala żgħira min-naħa tal-BEI, l-istituzzjonijiet Ewropej għall-finanzjament tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u jitlob li jqiegħdu l-aċċess universali għall-enerġija fil-qalba tal-involviment tagħhom fis-settur tal-enerġija, filwaqt li jappoġġaw ukoll proġetti fuq skala żgħira u li mhux kollegati mal-grilja, b'mod partikolari f'żoni rurali, u jintegraw obbligi tas-servizz universali għall-għoti ta' aċċess universali għall-enerġija fil-proġetti u fl-għotjiet tal-enerġija tagħhom;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex la jiffinanzjaw u lanqas jinkoraġġixu b’xi mod ieħor l-użu tal-enerġija nukleari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, meta jitqiesu l-preokkupazzjonijiet serji relatati mas-sigurtà u mas-sostenibilità;

38.

Jirrakkomanda l-ħidma tal-Inizjattiva tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea (EUEI), il-Faċilità ta’ Djalogu u ta’ Sħubija tal-EUEI (EUEI-PDF) u s-Sħubija tal-Enerġija Afrika-UE, jilqa’ l-Inizjattiva Energy+ u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw il-parteċipazzjoni u l-involviment f’dawn l-inizjattivi, biex b’hekk jippromwovu l-koordinament tal-għajnuna internazzjonali fil-qasam tal-enerġija;

39.

Huwa tal-fehma li s-samit Rio+20 f'Ġunju 2012 jirrappreżenta opportunità biex jiġu proposti objettivi konkreti dwar il-mod kif jista' jiġi abolit il-faqar tal-enerġija u pjan direzzjonali dwar il-modalitajiet biex dawn jintlaħqu bħala strateġija dinjija għat-tħaddir tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-aċċess universali għall-enerġija fil-proċess Rio+20;

40.

Jitlob l-inklużjoni tal-aċċess universali għall-enerġija fl-MDGs ta’ wara l-2015 li għad iridu jiġu fformulati;

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE.


(1)  Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-ħamsa u sittin sessjoni, Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali, 65/151, Sena Internazzjonali tal-Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd, New York, 21 ta’ Jannar 2011.

(2)  NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali.

(3)  NU, Segretarju Ġenerali, Ban Ki-moon, Il-prijoritajiet tiegħi bħala Segretarju Ġenerali.

(4)  Enerġija għal Kulħadd, Il-Finanzjament tal-Aċċess għall-Foqra, silta speċjali antiċipata mill-Prospettiva tal-Enerġija Dinjija 2011, ippreżentata għall-ewwel darba waqt il-Konferenza Enerġija għal Kulħadd f'Oslo, in-Norveġja, f'Ottubru 2011; OECD/IEA, Ottubru 2011 (http://www.iea.org/papers/2011/weo2011_energy_for_all.pdf), paġna 3.

(5)  Ibid, paġna 28.

(6)  Ibid, paġna 27.

(7)  Ibid, paġna 40.


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/89


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Rapport Annwali dwar il-fiskalità

P7_TA(2012)0030

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-fiskalità (2011/2271(INI))

2013/C 239 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Taxxa doppja fis-suq uniku" (COM(2011)0712), u l-Proposta (riformolazzjoni) għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-pagamenti ta' imgħax u ta' royalties (COM(2011)0714),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE (COM(2010)0769),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE (SEC(2010)1576),

wara li kkunsidra d-Dokument tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjonijiet li kien hemm matul il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konvenzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja u s-suq intern: Eżempju fattwali ta' każijiet ta' tassazzjoni doppja (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012, (COM(2011)0400),

wara li kkunsidra l-ittra konġunta tas-17 ta’ Awwissu 2011 mingħand Nicolas Sarkozy, il-President tar-Repubblika Franċiża, u Angela Merkel, il-Kanċilliera tal-Ġermanja, lil Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-OECD ‘Corporate Loss Utilisation through Aggressive Tax Planning’, 2011 (2),

wara li kkunsidra d-dokument informattiv ‘How effective and legitimate is the European Semester? Increasing the role of the European Parliament’ (3),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Taxation Trends in the EU’ (Tendenzi Fiskali fl-UE)(l-Edizzjoni tal-2011) (4),

wara li kkunsidra x-Xejriet tat-Taxxa fuq il-Konsum tal-OECD 2010 (5),

wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Monti dwar strateġija ġdida għas-Suq Uniku, tal-2010,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar proċeduri għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn u l-proposti ta’ FISCO (SEC(2009)1371),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/784/KE dwar proċeduri għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn,

wara li kkunsidra r-Rapport ‘on the Citizen and application of Community law’ (Iċ-ċittadin u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju) ta’ Alain Lamassoure tat-8 ta’ Ġunju 2008 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Settembru 2008 dwar il-ħtieġa ta' strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta' kontra l-abbuż fil-qasam ta' tassazzjoni diretta – ġewwa l-UE u b'relazzjoni ma' pajjiżi terzi (COM(2007)0785),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar it-tassazzjoni tal-ħruġ u l-bżonn ta' koordinazzjoni tal-politiki fiskali tal-Istati Membri (COM(2006)0825),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konsulenti tal-Eures Channel dwar bosta ostakoli għall-mobilità taċ-ċittadini tal-UE fir-reġjuni transkonfinali, 2002 (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar il-politika ta’ tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-Prijoritajiet għas-snin li ġejjin (COM(2001)0260),

wara li kkunsidra l-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni B7-0531/2011, imressqa minn Cristina Muscardini u Membri oħra skont l-Artikolu 120,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0014/2012),

A.

billi s-suq intern tal-UE li jinkludi l-mobilità tal-persuni, is-servizzi, l-oġġetti u l-kapital mhuwiex kompletament funzjonali u għad hemm oqsma li jeħtieġ li jitjiebu;

B.

billi ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE li qegħdin jaħdmu u joperaw fuq bażi transkonfinali jesperjenzaw impedimenti fiskali li qed joħolqu ostakoli għat-tkabbir u l-impjiegi fis-suq intern tal-UE, u billi dawn l-ostakoli għandhom jitneħħew biex tiġi żgurata Ewropa kompetittiva li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi;

C.

billi l-ispiża amministrattiva kkaġunata mis-sistemi tat-taxxa għall-kumpaniji ta' daqs medju hija ta' piż żejjed u għolja bla bżonn f'ċerti Stati Membri;

D.

billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali wasslet għal żieda sinifikanti fid-dejn pubbliku fl-Ewropa; billi d-dejn pubbliku u privat eċċessiv fl-Istati Membri ta bidu għall-kriżi finanzjarja attwali; u billi, f'dan il-kuntest, l-istabilizzaturi awtomatiċi tas-sigurtà soċjali jibqa' aktar rilevanti minn qatt qabel sabiex jiġu żgurati t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali;

E.

billi t-tassazzjoni effettiva hija ta' importanza fundamentali għall-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment fl-Ewropa, biex jissodisfaw il-kompiti u l-obbligi tagħhom kif ukoll l-aspettattivi taċ-ċittadini; billi stati b'defiċits għoljin qegħdin attwalment iħabbtu wiċċhom mal-ħtieġa li japplikaw miżuri biex iżidu t-taxxi tagħhom, iżda dawk il-miżuri ma għandhomx ikunu ta' ħsara għat-tkabbir;

F.

billi jeħtieġ li jkun hemm konsolidazzjoni fiskali soda, flimkien ma’ distribuzzjoni iktar ġusta u mmirata tal-piż fiskali, sabiex tiġi żgurata kredibilità fiskali, u t-tnaqqis tad-djun jeħtieġ limitazzjoni tan-nefqa kif ukoll żidiet fit-taxxi, filwaqt li bidliet fiskali orjentati lejn it-tkabbir għandhom jingħataw prijorità; billi dan se joħloq il-bażi għat-tkabbir fuq terminu ta’ żmien twil;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

Il-prevenzjoni tan-non-tassazzjoni doppja, il-frodi fiskali u r-rifuġji fiskali u ż-żieda fit-trasparenza fiskali

1.

Jinnota li l-funzjonijiet ta' qofol tas-sistemi fiskali huma li jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, it-trasport pubbliku u l-infrastruttura, jipproteġu l-beni pubbliċi, billi jinċentivizzaw, pereżempju, il-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti favur l-ambjent u jnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali billi jiżguraw distribuzzjoni iktar ekwa tad-dħul u l-ġid;

2.

Jinnota li t-tassazzjoni għadha kwistjoni ta’ sovranità nazzjonali u xi drabi lokali, u li, għalhekk, għandhom jiġu rrispettati l-istrutturi differenti tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri; jinnota li jkunu meħtieġa bidliet fit-Trattat sabiex it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar politiki fiskali jiġi trasferit mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE; jinnota, għalhekk, li żieda fl-iskrutinju tal-proċeduri baġitarji mill-Kummissjoni għandha tiġi riflessa bi skrutinju demokratiku akbar tal-Parlament Ewropew;

3.

Jinnota li t-titjib tas-suq uniku u possibbilment xi tip ta’ armonizzazzojni fiskali huwa fattur ewlieni biex jitħeġġu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jinnota li l-politiki fiskali għandhom ikunu mmirati biex irawmu l-kompetittività Ewropea u jnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji Ewropej, partikolarment għall-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju;

4.

Jinnota n-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politiki fiskali fl-UE li jista’ jwassal għal spejjeż u piż amministrattiv sinifikanti għaċ-ċittadini u n-negozji li joperaw fuq bażi transkonfinali fi ħdan l-UE;

5.

Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu s-sistemi fiskali tagħhom aktar favur it-tkabbir billi jtejbu l-mudell fiskali u jimplimentaw bidla favur taxxi li jwasslu għal anqas distorsjoni filwaqt li jissalvagwardjaw l-għan tas-suq soċjali;

6.

Jenfasizza li jistgħu jittieħdu tagħlimiet importanti għal kulħadd mill-eżempji ta' dawk l-Istati Membri fejn l-evidenza turi li għandhom storja ta’ suċċess fis-sistemi ta' tassazzjoni u ġbir tat-taxxa tagħhom;

7.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ simplifikazzjoni tas-sistemi tal-VAT sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja u l-burokrazija għal min iħaddem;

8.

Jenfasizza li livell ta' taxxa baxx huwa essenzjali mhux biss għall-benessri soċjali tal-familji u l-unitajiet domestiċi iżda wkoll għall-kompetittività u l-impjiegi ġodda; jenfasizza l-ħtieġa ta’ infiq pubbliku kkontrollat u effiċjenti u finanzi pubbliċi stabbli;

9.

Jenfasizza li l-proposti li saru mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tassazzjoni għandhom jikkontribwixxu għall-kompetittività Ewropea billi jeliminaw id-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni li jitqajmu mid-diversi sistemi ta' tassazzjoni stabbiliti; jenfasizza wkoll li l-proposti tal-Kummissjoni ma għandhomx jikkontribwixxu għal żieda fil-piżijiet fiskali;

10.

Jinnota li l-Istati Membri b’defiċits għoljin jew li kellhom l-agħar tnaqqis fit-tkabbir tal-PGD se jkollhom jesploraw bir-reqqa s-sorsi tad-defiċits tagħhom u jżidu d-dħul fiskali permezz ta’ taxxi effikaċi u ġusti, jippruvaw inaqqsu l-infiq b'mod effiċjenti, jiġġieldu l-frodi fiskali u jiżdied it-tfaddil pubbliku; jenfasizza li r-riformi tat-taxxa għandhom jagħtu prijorità lill-għeluq tal-lakuni u t-twessigħ tal-bażi għat-taxxa, mingħajr ma tiġi affettwata l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġbru dħul;

11.

Jemmen li l-federaliżmu fiskali jista’ jkun strument utli biex tinkiseb l-awtoresponsabbiltà fil-ġestjoni tat-taxxa fil-livell reġjonali u għalhekk jinvolvi effiċjenza ekonomika ogħla;

12.

Jieħu nota tal-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, bħal pereżempju, dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, dwar Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, dwar is-sistema futura tal-VAT tal-UE u dwar il-qasam tal-enerġija;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tas-Semestru Ewropew bħala ġeneratur tad-dħul possibbli għall-Istati Membri permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki għal orjentament fiskali aktar ikkoordinat u sostenibbli;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar rigward il-politiki tat-taxxa rispettivi tagħhom kontra t-tassazzjoni doppja, il-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali sabiex iżidu fit-trasparenza u jnaqqsu l-lakuni u l-inċertezzi għan-negozji u ċ-ċittadini fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa, speċjalment fejn jidħlu l-proċeduri amministrattivi rispettivi tagħhom biex jitressqu d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa; Hu, għalhekk, tal-opinjoni li l-Kummissjoni, flimkien mal-Kunsill, għandhom jadottaw inizjattiva komuni qawwija dwar il-ġurisdizzjonijiet ta' segretezza, li tkun aqwa milli sempliċement ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri individwali u l-ġurisdizzjonijiet ta' segretezza;

15.

Isostni li l-Istati Membri għandhom ifittxu li jnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità fiskali għall-SMEs, fejn ikun possibbli, billi jissimplifikaw il-proċeduri u jnaqqsu l-ispejjeż burokratiċi; jinnota li l-Istati Membri għandhom bażijiet differenti għat-taxxa korporattiva li jistgħu, fil-prattika, jaħdmu bħala ostakoli kummerċjali transkonfinali għat-tkabbir u l-impjiegi; jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi introdotta bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, BKKTK, fl-UE;

16.

Jenfasizza li l-BKKTK għandha ttejjeb it-tkabbir u twassal għal aktar impjiegi fl-Ewropa billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u l-burokrazija għall-kumpaniji, b'mod partikolari għan-negozji żgħar li joperaw f'diversi pajjiżi tal-UE;

17.

Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw fil-pront il-proposti eżistenti, u lill-Kummissjoni biex tressaq proposti skont dawk li saru mill-Parlament Ewropew dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil, it-tassazzjoni ekoloġika u fuq il-konsum, l-evitar tal-frodi fiskali, il-governanza tajba u t-tassazzjoni doppja;

18.

Jinnota li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali wasslet għal żieda sinifikanti fid-dejn pubbliku fl-Ewropa u li, sabiex jitnaqqas dan id-dejn pubbliku enormi, huma meħtieġa ir-restrizzjoni tal-infiq kif ukoll iż-żidiet fit-taxxa;

19.

Jindika li l-Istati Membri li kellhom l-agħar tnaqqis fit-tkabbir tal-PGD kienu dawk li l-iktar kellhom iżidu t-taxxi tagħhom, filwaqt li ġeneralment, l-Istati Membri li kienu kapaċi jnaqqsu t-taxxi tagħhom kienu dawk li rnexxielhom jillimitaw it-tnaqqis fil-PGD reali għal inqas minn 4% (9);

20.

Jitlob lill-Istati Membri jagħmlu s-sistemi fiskali tagħhom aktar favur it-tkabbir billi jtejbu l-mudell fiskali u jimplimentaw bidla lejn taxxi li jwasslu għal anqas distorsjoni filwaqt li jissalvagwardjaw l-għan tal-ekwità soċjali;

21.

Jikkonkludi li l-koordinazzjoni tal-politiki tat-taxxa tista’ tkun komponent importanti ta' strateġija ta' konsolidazzjoni fiskali fil-livell tal-UE u ttejjeb l-effikaċja tal-politiki tat-taxxa l-ġodda tal-Istati Membri;

It-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE

22.

Jinnota li t-tneħħija tal-ostakoli fiskali jista’ jkollha rwol importanti fiż-żieda tal-kapaċità u l-kunfidenza taċ-ċittadini biex jaħdmu, jirtiraw, jixtru u flimkien mal-intrapriżi biex jinvestu fl-EU;

23.

Jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni dwar it-tneħħija tal-ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE tidentifika l-ilmenti l-iktar rilevanti taċ-ċittadini tal-UE dwar l-ostakoli fiskali transkonfinali u jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni f’dan il-qasam;

24.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni trid iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għal informazzjoni u pariri li jeħtieġu dwar ir-regoli tat-taxxa fl-UE;

25.

Jinnota li l-Istati Membri qablu li ċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar it-taxxa;

26.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ma jħabbtux wiċċhom ma' ostakoli kontra l-eżerċizzju tal-libertajiet fis-Suq Intern;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni taqsam l-informazzjoni dwar l-aqwa prattiki fl-Istati Membri tal-UE u f'pajjiżi OECD oħra rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa li tingħata liċ-ċittadini u lin-negozji, u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti effiċjenti biex ikun faċilitat l-iskambju ta’ din l-informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar it-tassazzjoni, inkluż l-istabbiliment ta’ proġetti pilota, sabiex titrawwem il-kompetittività Ewropea fuq terminu ta’ żmien twil; jenfasizza wkoll li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Eurostat jiġbor u jivverifika l-istatistika dwar l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa madwar l-UE;

28.

Jagħraf li ċerti Stati Membri stabilixxew proċeduri simplifikati biex jintalbu lura r-rifużjonijiet tat-taxxa skont il-ftehimiet tat-tassazzjoni doppja, u li ċerti Stati Membri żviluppaw siti tal-internet għal dawk li mhumiex residenti jew il-barranin li jħallsu t-taxxa bl-informazzjoni u l-formoli b’diversi lingwi;

29.

Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw il-pjanijiet tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ u bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri dwar soluzzjonijiet xierqa biex jiġu evitati t-tassazzjoni doppja u ostakoli fiskali transkonfinali oħrajn;

30.

Jinnota li t-tassazzjoni doppja hija ostakolu għall-attivitajiet u l-investimenti transkonfinali u li hemm ħtieġa għal soluzzjonijiet ikkoordinati biex jegħlbu din il-problema;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi metodi għas-simplifikazzjoni tal-konformità tat-taxxa f’sitwazzjonijiet transkonfinali;

32.

Jilqa’ l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar it-taxxi fuq il-ħlasijiet transkonfinali ta’ dividends lill-investituri individwali u l-investituri bil-portafoll, filwaqt li jiġu indirizzati ostakoli tat-taxxa tas-suċċessjoni fi ħdan l-UE, u jistenna bil-ħerqa l-proposti futuri tal-Kummissjoni f’dan il-qasam;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu metodi biex ineħħu l-ostakoli fiskali għax-xogħol transkonfinali u l-mobilità transnazzjonali mill-aktar fis possibbli sabiex l-għanijiet tal-UE 2020 - jiġifieri aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi - jistgħu jintlaħqu mill-aktar fis possibbli;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-ilmenti b’mod iktar attiv, u tiżgura iktar trasparenza u informazzjoni għaċ-ċittadini dwar ir-riżultati tal-ilmenti dwar il-liġijiet fiskali tal-Istati Membri u l-każijiet ta’ ksur fil-qasam tat-taxxa, kif ukoll dwar is-segwitu tagħhom;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli bil-ħidma tagħha għas-servizzi ta’ konsulenza għaċ-ċittadini Europe Direct u l-Ewropa Tiegħek u tiżviluppa iktar il-portal tal-web Europe Direct sabiex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni minn 27 awtorità fiskali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li dik l-informazzjoni għandha tiġi provduta f'format faċli għall-utent;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni doppja, inkluż permezz ta’ konċentrazzjoni ta’ aktar proġetti u riżorsi tal-programm Fiscalis biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi konkreti ta' dawk li jħallsu t-taxxa;

It-tneħħija tad-diskriminazzjoni u t-tassazzjoni doppja għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE

37.

Jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni għal problemi bħat-tassazzjoni doppja ta’ negozji u individwi, l-inkompatibilitajiet bejn sistemi fiskali differenti u n-nuqqas ta’ aċċess għal informazzjoni dwar regoli fiskali nazzjonali;

38.

Jenfasizza li hu fl-interess tan-negozji u ċ-ċittadini li jiġi stabbilit ambjent fiskali ċar, stabbli u trasparenti fi ħdan is-Suq Uniku peress li n-nuqqas ta' trasparenza fuq attivitajiet transkonfinali joħloq ostakolu għall-attivitajiet u l-investimenti transkonfinali fl-UE;

39.

Jenfasizza li t-tassazzjoni doppja tnaqqas il-kompetittività tan-negozji affettwati u tfixkel is-suq uniku kollu;

40.

Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Tassazzjoni doppja fis-suq uniku’ għal strateġija u soluzzjonijiet fil-livell tal-UE għall-problemi tat-tassazzjoni doppja transkonfinali;

41.

Jemmen li t-Trattat tal-Unjoni Ewropea jobbliga lill-Istati Membri jsolvu l-problema tat-tassazzjoni doppja, li għandhom jagħmlu skont l-Artikoli 4(3) u 26 tat-TFUE fir-rigward tas-Suq Intern;

42.

Jikkonkludi li t-trattati fiskali bilaterali bejn l-Istati Membri ma jsolvux il-problemi kollha ta’ diskriminazzjoni u tassazzjoni doppja għaċ-ċittadini u n-negozji;

43.

Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-idea tal-Kummissjoni biex toħloq grupp ta’ ħidma dwar il-problemi tat-tassazzjoni doppja li jinvolvi lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri u, fejn inhu xieraq, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-grupp ta’ ħidma tal-UE dwar it-tassazzjoni tan-negozji, il-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment (JTPF), u biex timpenja ruħha mal-komunità tan-negozju u dawk li jippromwovu d-drittijiet tal-konsumaturi;

44.

Jitlob lill-Kummissjoni tibda forum ġdid dwar il-VAT, simili għall-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment (JTPF), li permezz tiegħu l-kumpaniji jkunu jistgħu jqajmu kwistjonijiet ta’ VAT korporattiva u tilwim bejn l-Istati Membri;

45.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-proċeduri li jippermettu lill-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju jitolbu rifużjoni tal-VAT li jkunu ħallsu b’mod iktar mgħaġġel, biex b'hekk jitqassar il-perjodu ta’ rimbors;

46.

Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmu li jorbot għall-ilħuq ta' ftehim għal tilwim, kif issuġġerit fir-rapport Monti, li jkopri t-tassazzjoni doppja li jħallsu l-individwi u n-negozji;

47.

Jinnota li l-ostakoli amministrattivi u l-inċertezza legali jagħmluha diffiċli biex iċ-ċittadini tal-UE jivvjaġġaw b’mod ħieles bil-karozzi tagħhom fi ħdan is-Suq Uniku; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri jabolixxu t-tassazzjoni doppja għar-reġistrazzjoni tal-karozzi;

48.

Jitlob lill-Istati Membri jimmodernizzaw u jaġġornaw ir-regoli dwar il-ħelsien transkonfinali għal kumpaniji u biex jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli tal-iffatturar elettroniku, bl-għan li fl-aħħar mill-aħħar jinħoloq ‘mudell uniku Ewropew għall-fattura elettronika’;

Il-prevenzjoni tan-non-tassazzjoni doppja u l-frodi fiskali u ż-żieda fit-trasparenza fiskali

49.

Jinnota li l-evażjoni tat-taxxa u n-nuqqas ta' trasparenza fiskali joħolqu theddida għad-dħul tal-gvern u jiswew biljuni ta’ euro;

50.

Jinnota li hemm ħtieġa għal bilanċ xieraq bejn l-interess pubbliku fil-ġlieda kontra l-abbuż, li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux proporzjonati fuq l-attività transkonfinali fi ħdan l-UE, u li tiġi kkoordinata aħjar l-applikazzjoni tal-miżuri kontra l-abbuż b’rabta mal-pajjiżi terzi; jiddispjaċih li xi Stati Membri kkonkludew ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jippermettu l-kontinwazzjoni tal-evitar tat-taxxa u s-segretezza tat-taxxa;

51.

Jistieden lill-Istati Membri biex

joħolqu u jimplimentaw sistemi fiskali effikaċi li jipprevjenu l-bażijiet fiskali tagħhom milli jiddeterjoraw bla bżonn minħabba n-non-tassazzjoni involontarja u l-abbuż;

japplikaw miżuri kontra l-abbuż immirati lejn arranġamenti artifiċjali mfassla biex jevitaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ir-regoli Komunitarji kif inhuma trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

ikomplu jaqsmu l-informazzjoni dwar skemi aggressivi ta’ ppjanar fiskali dwar telf korporattiv u s-sejba tagħhom u strateġiji ta’ reazzjoni, u jkejlu u mbagħad jippubblikaw l-informazzjoni dwar l-effikaċja tal-istrateġiji użati;

iqisu l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ konformità kooperattiva u l-introduzzjoni jew ir-reviżjoni ta’ inizjattivi ta’ żvelar immirati lejn l-iskemi aggressivi ta’ ppjanar fiskali;

fl-aħħar nett jikkonkludu r-riforma tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tfaddil biex jissaħħaħ l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, li ilha mblukkata għal xi żmien fil-Kunsill, sabiex tiġi żgurata tassazzjoni ġusta u xierqa tat-tfaddil fl-UE; jenfasizza li l-ġurisdizzjonijiet affettwati kollha għandhom jimplimentaw kooperazzjoni amministrattiva li ma tiksirx id-drittijiet proċedurali ta’ min iħallas it-taxxi u d-dritt għall-privatezza, billi joffru skambju awtomatiku ta’ informazzjoni li għandu jkun estiż għall-kumpaniji u trusts u mhux biss għall-individwi;

jinnotifikaw u jagħmlu d-deċiżjonijiet fiskali pubbliċi mill-awtoritajiet nazzjonali għal kumpaniji li qegħdin joperaw b'mod transkonfinali;

jipprovdu inċentivi fiskali għall-SMEs, bħal eżenzjonijiet mit-taxxa u tnaqqis, li jinkoraġġixxu l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi;

jippromwovu r-riformi biex jillimitaw il-lok għal evażjoni tat-taxxa billi jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi għall-ġbir tad-dħul li jimminimizzaw ir-relazzjoni bejn il-persuna li tħallas it-taxxa u l-awtoritajiet tat-taxxa u jimmassimizzaw l-użu tat-teknoloġija moderna u l-fokus fuq il-governanza elettronika fir-rekordjar u l-monitoraġġ tal-attività ekonomika;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni biex

tidentifika l-oqsma li fihom jista’ jsir titjib għal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri biex titnaqqas il-frodi fiskali;

tipprovdi iktar riżorsi baġitarji u persunal lid-DG TAXUD biex jiżviluppa politiki u proposti tal-UE rigward in-non-tassazzjoni doppja, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi;

tindirizza l-kompetizzjoni fiskali dannuża u n-nuqqas ta' tassazzjoni doppja tal-kumpaniji kbar li artifiċjalment jittrasferixxu l-profitti biex inaqqsu r-rata tat-taxxa effettiva; tinnotifika u tagħmel id-deċiżjonijiet fiskali pubbliċi tal-awtoritajiet nazzjonali għal kumpaniji li qegħdin joperaw b'mod transkonfinali;

tindirizza l-frodi fiskali b’mod strett permezz ta' prosekuzzjonijiet taħt il-liġi kriminali;

53.

Jitlob lill-Istati Membri jagħtu prijorità ewlenija lill-ġlieda tal-użu ta’ rifuġji fiskali għal skopijiet illeċiti u jitlob lill-Kummissjoni biex, bil-kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, tqis, bħala l-ewwel pass, id-definizzjoni tal-OECD u l-lista ta’ rifuġji fiskali jew ġurisdizzjonijiet ta' segretezza, biex jiġu stabbiliti definizzjoni u lista tal-UE; jitlob għal definizzjoni Ewropea miftiehma unika, wara ftehim dwar definizzjoni fil-livell globali;

54.

Jagħraf li l-Forum Globali tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal raġunijiet ta’ taxxa hu l-forum internazzjonali ewlieni għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u, għalhekk, jappoġġa ħidmietu bil-qawwa; jinnota n-nuqqasijiet tiegħu bħala forum ta' denominaturi komuni baxxi; jagħraf ukoll l-inizjattivi loġiċi fl-livell nazzjonali, tal-UE, u globali mmirati lejn soluzzjoni fil-prattika għal din il-kwistjoni persistenti;

55.

Jiltob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar fil-pront dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali;

56.

Jistieden lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-frodi u dwar it-taxxa ma’ Andorra, Monako u San Marino u ftehim ġdid mal-Isvizzera, u biex jaġġornawhom b'mod regolari wara li jkunu ġew konklużi;

57.

Jikkonkludi li n-nuqqas ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn is-sistemi fiskali tal-Istati Membri jista' jirriżulta f'nuqqas ta' tassazzjoni bla ħsieb u jwassal għall-evitar tat-taxxa, l-abbuż u għall-frodi;

58.

Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-implikazzjonijiet fiskali tal-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew u tippubblika rapport fl-2012;

59.

Jitlob li riżorsi baġitarji adegwati u tal-persunal ikunu pprovduti lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex jiġu żviluppati mekkaniżmi effiċjenti ta' kontroll u għas-sorveljanza ta' proċeduri baġitarji fil-livell tal-UE;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tagħti prijorità lil miżuri ta' politika li għandhom implikazzjonijiet fiskali fil-Programmi għall-Konverġenza u l-Istabbiltà tal-Istati Membri u fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali;

*

* *

61.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/resources/documents/common/consultations/tax/summary_report_consultation_double_tax_conventions_en.pdf

(2)  http://www.oecd.org/document/61/0,3746,en_2649_33767_48570813_1_1_1_1,00.html

(3)  http://www.bruegel.org/publications/publication-detail/publication/599-how-effective-and-legitimate-is-the-european-semester-increasing-the-role-of-the-european-parliament/

(4)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/gen_info/economic_analysis/tax_structures/index_en.htm

(5)  http://www.oecd-ilibrary.org/taxation/consumption-tax-trends-2010_ctt-2010-en

(6)  http://www.alainlamassoure.eu/liens/817.pdf

(7)  ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 13.

(8)  http://www.eureschannel.org/en/dossiers/WEBrapport_obst_E.pdf

(9)  Il-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Tendenzi Fiskali fl-UE’ (l-Edizzjoni tal-2011)


20.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 239/97


Il-Ħamis 2 ta’ Frar 2012
Il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE

P7_TA(2012)0031

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (2011/2094(INI))

2013/C 239 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE tal-2010 dwar Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (COM(2011)0328 finali) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SEC(2011)0690),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Merġers) (2),

wara li kkunsidra l-Linjigwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu kif jiġu ffissati multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3) (il-Linjigwida dwar il-Multi),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (4) (il-Komunikazzjoni Bankarja),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 bl-isem “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet mhux xieraq ta’ kompetizzjoni” (5) (il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar “It-Trattament tal-Assi Danneġġati fis-Settur Bankarju Komunitarju (6)” (il-Komunikazzjoni dwar Assi Indebboliti),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2009 dwar “ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (7)” (il-Komunikazzjoni dwar ir- Ristrutturar),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2008 bl-isem “Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (8) (il-Qafas Temporanju oriġinali),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2010 dwar “Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali” (9) (il-Qafas Temporanju ġdid li jissostitwixxi dak li spiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2010),

wara li kkunsidra l-istudju ta’ Ġunju 2011 bl-isem “Għajnuna tal-Istat – Regoli dwar kriżijiet għas-settur finanzjarju u l-ekonomija reali” (10), ikkummissjonat mill-Parlament,

wara li kkunsidra l-karta ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2011, bl-isem “L-effetti tar-regoli temporanji għal għajnuna mill-Istat adottati fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika” (SEC(2011)1126),

wara li kkunsidra l-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 rigward is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar tal-Istati Membri,,

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Konsultazzjoni pubblika: Lejn Approċċ Koerenti Ewropew għal Rimedju Kollettiv’ (SEC(2011)0173),

wara li kkunsidra d-dokument tad-DĠ Kompetizzjoni bl-isem “L-aħjar Prattiċi għat-tmexxija ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE” (11),

wara li kkunsidra d-dokument tad-DĠ Kompetizzjoni bl-isem “Gwida għall-proċeduri ta’ Uffiċjali Responsabbli għas-Smigħ li jirrigwardaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE” (12),

wara li kkunsidra d-dokument tad-DĠ Kompetizzjoni bl-isem “L-aħjar prattiċi għat-tressiq ta’ provi ekonomiċi u ġbir ta’ dejta f’każijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 u 201 TFUE u f’każijiet ta’ merġers (13).”

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Qafas tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (14) (riferut hawnhekk bħala “il-Ftehim ta’ Qafas”) b’mod partikolari l-paragrafi 12 (15) u 16 (16) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April, 2007 dwar il-Green Paper dwar azzjonijiet ta' riżarċiment tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (17) u tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-White Paper dwar Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (18) u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-20 ta' Ottubru 2011 dwar "Lejn Approċċ Koerenti għal Rimedju Kollettiv",

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar ir-riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Frar 2005 dwar ir-Rapport Nru XXXIII tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2003 (20), tal-4 ta’ April 2006 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2004 (21), tad-19 ta’ Ġunju 2007 dwar ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2005 (22), tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007 (23), tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni 2008 (24) u tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar ir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni 2009 (25),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (INT/594 - CESE 1461/2011),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0424/2011),

A.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika li seħħet fil-ħarifa tal-2008 għadha ma ngħelbitx; billi t-taqlib finanzjarju u l-biża’ ta’ reċessjoni laħqu għal darba oħra l-ogħla livell matul dawn l-aħħar xhur;

B.

billi l-Kummissjoni wieġbet għal din il-kriżi b'mod pront u raġonevoli bl-adozzjoni ta’ regoli għal għajnuna tal-Istat u bl-użu tal-politika tal-kompetizzjoni bħala għodda għall-ġestjoni tal-kriżijiet; billi din kienet, u għadha, maħsuba li tkun skema temporanja għalkemm l-iskeda ta’ żmien qabżet iż-żmien mistenni oriġinarjament;

C.

billi bejn l-1 ta’ Ottubru 2008 u l-1 ta’ Ottubru 2010 l-Kummissjoni adottat aktar minn 200 deċiżjoni dwar l-għajnuna tal-Istat għas-settur finanzjarju; billi fl-2009 l-ammont nominali ta’ għajnuna għas-settur finanzjarju li ntuża mill-Istati Membri ammonta għal EUR 1 107 biljun (9.3% tal-PDG tal-UE); billi l-volum massimu ta’ miżuri li ġew approvati mill-Kummissjoni mill-bidu tal-kriżi sal-1 ta’ Ottubru 2010 (inklużi ż-żewġ skemi u interventi ad hoc) jammonta għal EUR 4 588,90 biljun;

D.

billi mill-1 ta’ Jannar 2011 il-Kummissjoni introduċiet rekwiżit biex jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturar għal kull benefiċjarju ta’ rikapitalizzazzjoni jew miżura tal-assi indeboliti, irrispettivament minn jekk il-bank jitqiesx bħala fundamentalment b’saħħtu jew altrimenti jinsabx f’diffikultà;

E.

billi ammonti mdaqqsa ta’ għajnuna tal-Istat mogħtija waqt il-kriżi fil-forma ta’, pereżempju, skemi ta’ garanzija, skemi tar-rikapitalizzazzjoni u forom kumplimentari ta’ appoġġ tal-likwidità fir-rigward tal-finanzjament tal-bank, ikkontribwixxew għal żbilanċi serji fil-finanzi pubbliċi; billi għadu mhux magħruf sa fejn sa jwassal fil-futur l-impatt ta’ din l-għajnuna tal-Istat u tal-garanziji pprovduti lill-banek jekk fil-fatt jintalab li jitħallsu xi wħud minn dawn il-garanziji;

F.

billi l-protezzjoniżmu u n-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni jservu biss biex japprofondixxu l-kriżi u jtawluha; billi l-politika ta' kompetizzjoni hija għodda essenzjali biex l-UE jkun jista' jkollha suq intern dinamiku, effiċjenti u innovattiv u biex tkun kompetittiva fuq ix-xena globali,

G.

billi, minkejja l-isforzi kollha biex niffaċċjaw il-kriżi, il-kartelli jibqgħu l-akbar theddida serja għall-kompetizzjoni, il-benessri tal-konsumatur u l-funzjonament kif suppost tas-swieq u b’konsegwenza ma jistgħux jiġu aċċettati lanqas waqt kriżi ekonomika;

Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2010

1.

Jilqa’ r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2010; jenfasizza, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju ta’ dan ir-rapport, li l-politika tal-kompetizzjoni ġabet bosta benefiċċji f’termini ta’ benessri tal-konsumatur u tibqa’ għodda essenzjali fit-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment ħieles ta' beni, servizzi, persuni u kapital; jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni tibqa' għodda essenzjali għaż-żamma tas-suq uniku u l-protezzjoni tal-interess tal-konsumatur; jenfasizza li xi regoli jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jiffaċċjaw sfidi ġodda;

2.

Jinnota l-effett ta’ prinċipji riġidi u proċeduri flessibbli flimkien jippermetti li l-politika tal-kompetizzjoni tkun fattur kostruttiv u stabblizzanti fis-sistema finanzjarja tal-UE u fl-ekonomija reali inġenerali;

Rakkomandazzjonijiet tal-politika tal-komnpetizzjoni

3.

Jemmen li t-trasparenza mtejba tal-prezzijiet hija essenzjali biex il-kompetizzjoni tkun stimolata fis-suq uniku u biex tiġi offruta għażla reali lill-konsumaturi;

4.

Jilqa' l-iskambju eżistenti bejn il-Kummissjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur fil-qasam tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni u jinkoraġġihom sabiex jippromwovu aktar dawn l-iskambji, inkluż ta' parteċipanti interessati oħrajn kif xieraq;

Għajnuna tal-Istat

5.

Jilqa' l-abbozz ta' karta ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni biex jiġu evalwati l-effetti tar-regoli temporanji għal għajnuna mill-Istat adottati fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-għajnuna mill-Istat kienet ġeneralment "effettiva biex tnaqqas l-instabilità finanzjarja, biex ittejjeb il-funzjonament tas-swieq finanzjarji u biex ittaffi l-effetti tal-kriżi fuq l-ekonomija reali"; madankollu, jistaqsi jekk din l-analiżi ottimista tistax tiġi sostnuta;

6.

Jenfasizza li r-reġim temporanju applikabbli għall-għajnuna tal-Istat kien pożittiv bħala reazzjoni inizjali għall-kriżi, iżda dan ma tistax jittawwal bla bżonn; jenfasizza l-ħtieġa li ma jitkomplewx miżuri u eżenzjonijiet temporanji malajr kemm jista' jkun u hekk tif is-sitwazzjoni ekonomika tkun tippermetti;

7.

Jinnota li tenħtieġ sistema regolatorja permanenti ġdid għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex jiġu trattati difetti fis-sistema legali ta' qabel il-kriżi, b'mod partikolari fir-rigward tas-settur finanzjarju, kif ukoll biex jingħata rimedju għat-tagħwiġ maħluq tul il-kriżi ekonomika u finanzjarja;

8.

Jinnota t-tħabbira ta’ linjigwida speċifiċi għas-salvataġġ u r-ristrutturar tas-settur bankarju; jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-impatt, f’termini ta’ tagħwiġ tal-kompetizzjoni, għall-għajnuna ta' likwidità pprovdut lill-banek ċentrali fl-istadju tas-salvataġġ, u tieħu ħsieb ir-ristrutturar bil-galbu tal-banek, bl-involviment tal-azzjonisti, qabel ma ssir injezzjoni ta’ kapital pubbliku;

9.

Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex torbot l-estenzjoni tal-għajnuna temporanja tal-Istat mas-settur bankarju lil hinn mill-2011 b’kundizzjonijiet imtejba u aktar stretti li jirrigwardaw it-tnaqqis fil-kompożizzjoni u d-daqs tal-karta tal-bilanċ filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lis-self individwali kif ukoll lil restrizzjonijiet aktar b’saħħithom fuq il-bonusijiet u d-distribuzzjoni tad-dividendi u ta' fatturi kruċjali oħrajn; iqis li dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu ċari u l-Kummissjoni għandha tevalwhom u tissintettizzhom fuq bażi ex post;

10.

Jinnota l-miżuri li l-Kummissjoni adottat s’issa biex iċċekken id-daqs tal-karta tal-bilanċ ta’ ċerti istituzzjonijiet, li huma "interkonnessi jew kbar wisq biex ifallu", li rċivew għajnuna tal-Istat matul il-kriżi; iqis li għal dan l-għan jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri;

11.

Jenfasizza madankollu li l-konsolidazzjoni kontinwa fis-settur bankarju fil-fatt żiedet is-sehem tas-suq ta’ diversi istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib lis-settur sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq bankarji Ewropej, inkluż billi jiġu imposti pjanijiet ta’ ristrutturar li jfissru s-separazzjoni tal-attivitajiet bankarji fejn id-depożiti individwali jippermettu lil dawn l-istituzzjonijiet jisffinanzjaw l-attivitajiet bankarji ta’ investiment aktar riskjużi;

12.

Jinnota li l-BĊE, matul il-kriżi, wettaq diversi injezzjonijiet ta’ likwidità mhux standard; jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li din it-tip ta' miżura strettament ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, kif imsemmi mill-Kummissjoni fl-istudju tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-azzjoni politika fil-livell tal-UE għandha tkun ikkoordinata u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-effetti tal-għajnuna mill-BĊE jew minn banek ċentrali oħrajn u ta' interventi pubbliċi oħrajn fl-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek li jkunu ukoll benefiċjarji ta' appoġġ mill-BĊE jew minn banek ċentrali oħrajn;

13.

Jinnota li l-effetti tal-għajnuna mill-BĊE u minn interventi pubbliċi oħrajn milqugħa mill-banek tul il-kriżi ma ġewx inklużi fil-valutazzjoni ta' kompatibilità tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta dawn l-operazzjonijiet fuq bażi ex-post;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista’ jkun tippreżenta l-proposta leġiżlattiva prevista li tindirizza r-riżoluzzjoni ta’ banek inadempjenti f’qafas Ewropew reali filwaqt li tiggarantixxi regoli komuni, kif ukoll sett komuni ta’ għodod u stimuli għal azzjoni, u tillimita kemm jista’ jkun l-involviment tal-kontribwenti, b’mod partikolari permezz tal-ħolqien ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni tal-industrija li jkunu armonizzati u awtofinanzjati (approċċ ibbażat fuq ir-riskju);

15.

Jenfasizza li l-għajnuna tal-Istat għandha tiġi allokata b’mod li la jgħawweġ il-kompetizzjoni u lanqas ma jiffavorixxi kumpaniji stabbiliti b’detriment għal dawk li għadhom qed jiżviluppaw;

16.

Hu tal-opinjoni li l-għajnuna mill-Istat għandha tappoġġa r-raggruppamenti ta' innovazzjoni u ta' riċerka u b'hekk tappoġġa l-intraprenditorija;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li s-simplifikazzjoni maħsuba tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ mhijiex se twassal għad-deterjorament tas-sorveljanza tal-kumpens żejjed;

18.

Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi arranġament “de minimis” fir-rigward tal-għajnuna tal-Istat għas-SIEĠ; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kriterji ċari u mhux ambigwi li jiddeterminaw liema servizzi jistgħu jiġu koperti minnu;

19.

Jinsisti li kwalunkwe proposta biex jiġu eżentati, fil-prinċipju, aktar kategoriji tas-SIEĠ mir-rekwiżit tan-notifika, għandha tiġi bbażata fuq l-evidenza li tali eżenzjoni mir-regoli hija ġustifikata u meħtieġa, u li ma tagħwiġx il-kompetizzjoni bla bżonn;

20.

Jenfasizza l-importanza li titrawwem il-kompetizzjoni fis-setturi kollha u mhux b’inqas fis-settur tas-servizzi li jikkostitwixxi 70% tal-ekonomija Ewropea; ikompli jenfasizza d-dritt li jiġu stabbiliti kumpaniji u servizzi ġodda;

Antitrust

21.

Jissuġġerixxi, jekk il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas orrizonali li jirregola r-rimedju kollettiv, li meta jkun xieraq, jista' jiġi adottat prinċipju ta' azzjoni ta' segwitu li bih l-infurzar privat taħt ir-rimedju kollettiv jista' jiġi implimentat jekk kien hemm deċiżjoni ta' ksur preċedenti mill-Kummissjoni jew minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali; jinnota li t-twaqqif tal-prinċipju ta' azzjoni ta' segwitu ma jipprekludix il-possibilità li jkunu previsti kemm l-azzjonijiet iżolati kif ukoll dawk ta' segwitu;

22.

Jindika li l-mekkaniżmi tal-ADR ħafna drabi jiddependu mir-rieda tal-kummerċjant li jikkoopera u jemmen li d-disponibilità ta’ sistema effettiva ta’ rimedju ġudizzjarju tkun inċentiv b’saħħtu biex il-partijiet jaslu għal kompromess barra mill-qorti, u dan x’aktarx jelimina għadd kbir ta’ każijiet u b’hekk jiġi evitat il-volum ta' litigazzjoni; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ADR f’livell Ewropew sabiex ikun possibbli li tinstab riżoluzzjoni rapida u rħisa bħala possibbiltà aktar attraenti meta mqabbla ma’ proċeduri ġudizzjarji; jenfasizza madankollu, li dawn il-mekkaniżmi għandhom jibqgħu, kif jindika sew l-isem, sempliċiment alternattiva għar-rimedju ġudizzjarju, u mhux prekundizzjoni;

23.

Jenfasizza li insegwitu tas-sentenzi tal-Qorti fil-Kawżi 360/09, Pfleiderer, and 437/08, CDC Hydrogen Peroxider, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rimedju kollettiv ma jippreġudikax l-effikaċja tas-sistema ta' klemenza tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-proċedura ta’ riżoluzzjoni;

24.

Jemmen li għandhom jitqiesu b'mod xieraq l-kwistjonijiet speċifiċi li jinħolqu fil-kamp tal-kompetizzjoni u li kwalunkwe strument applikabbli għar-rimedju kollettiv irid iqis b'mod sħiħ u xieraq l-ispeċifiċitajiet tas-settur tal-'antitrust';

25.

Itenni li, fir-rigward tar-rimedju kollettiv fil-politika tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji sabiex jiġi evitat l-iżvilupp sistema ta’ proċeduri kollettivi li jinvolvu klejms frivolużi u litigazzjoni eċċessiva u sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji; jenfasizza li tali salvagwardji għandhom ikopru, inter alia, dawn il-punti li ġejjin:

il-grupp ta' rikorrenti jrid jiġi identifikat qabel ma titressaq il-klejm (proċedura opt-in);

l-awtoritajiet pubbliċi, bħall-ombudsmen jew il-prosekuturi, kif ukoll il-korpi rappreżentattivi, jistgħu jibdew proċeduri f'isem grupp ta' rikorrenti identifikat b'mod ċar;

il-kriterji użati biex jiġu definiti l-korpi rappreżentattivi kkwalifikati sabiex iressqu azzjonijiet rappreżentattivi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE;

sistema ta' proċeduri kollettivi għandha tiġi eskluża għar-raġuni li tista' tippromwovi litigazzjoni eċċessiva, tista' tmur kontra l-kostituzzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri u tista' taffettwa d-drittijiet ta’ kwalunkwe vittma li tista’ tipparteċipa fil-proċedura mingħajr ma tkun taf filwaqt li xorta waħda tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Qorti;

(a)

azzjonijiet individwali permessi:

ir-rikorrenti għandhom f’kull ċirkustanza jkunu liberi li jużaw l-alternattiva ta’ rikors għal kumpens individwali quddiem qorti kompetenti;

rikorrenti kollettivi ma għandhomx ikunu f'pożizzjoni aħjar mir-rikorrenti individwali;

(b)

kumpens għal danni minuri u diffużi:

rikorrenti ta' danni minuri u diffużi għandu jkollhom mezzi xierqa ta' aċċess għall-ġustizzja permezz ta' rimedju kollettiv u għandhom jkollhom kumpens ġust;

(c)

kumpens għad-dannu reali biss:

kumpens jista' jingħata biss għad-dannu reali li jkun sar: għandhom jiġu pprojbiti d-danni punittivi u arrikkiment inġust;

kull rikorrent irid jipprovdi evidenza għat-talba tiegħu;

ir-riżarċiment irid jitqassam mar-rikorrenti individwali b'mod proporzjonat għall-ħsara li jkunu sofrew individwalment;

inġenerali, il-ħlasijiet ta’ kontinġenza mhumiex applikabbli fl-Ewropa u għandhom jiġu rifjutati;

(d)

il-prinċipju ta' min jitlef iħallas:

ma jistax ikun hemm azzjoni jekk ir-rikorrent ma jkollux difiża bħala riżultat ta' nuqqas ta' mezzi finanzjarji; barra minn hekk, l-ispejjeż proċedurali, u għalhekk ir-riskju, involuti fl-azzjoni legali jridu jiġu sostnuti mill-parti telliefa tal-każ; huwa kompitu tal-Istati Membri li jistupulaw regoli għall-allokazzjoni tal-ispejjeż f'dan il-kuntest;

(e)

ebda finanzjament minn parti terza:

il-proċeduri ma għandhomx jiġu finanzjati minn qabel minn partijiet terzi, b'pereżempju rikorrenti li jaqblu li jċedu lil partijiet terzi jeddijiet għal kumpens possibbli sussegwenti;

26.

Jenfasizza li kwalunkwe qafas orizzontali jrid jiżgura l-konformità ma' żewġ premessi bażiċi:

L-Istati Membri ma jistgħux japplikaw kundizzjonijiet aktar restrittivi għall-każijiet ta' rimedju kollettiv li jirriżultaw minn ksur ta' liġi tal-UE minn dawk applikati fil-każijiet li jirriżultaw minn ksur tal-liġi nazzjonali;

ebda prinċipju stipulat fil-qafas orizzjontali ma jista' jipprevjeni l-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri biex tinkiseb l-effettività sħiħa tal-liġi tal-UE;

27.

Jilqa' l-istrument leġiżlattiv imħabbar mill-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma tiegħu għall-2012 li jkopri l-azzjonijiet għal danni minħabba ksur tal-liġi antitrust; jenfasizza li dan għandu jqis ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament dwar is-suġġett, u jenfasizza li dan għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

28.

Jemmen li politika ta' multi hi għodda importanti għall-infurzar pubbliku u bħala deterrant;

29.

Jinnota li l-imġibiet mhumiex immotivati biss mill-multi iżda ukoll billi titħeġġeġ il-konformità; jiffavorixxi approċċ li jservi ta' deterrent effettiv filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

30.

Jenfasizza li politika ta’ multi kbar mhijiex u m’għandhiex tibqa' tintuża bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE;

31.

Jinnota li l-metodu għat-tfassil ta' multi hu nkluż fi strument non-leġiżlattiv – il-Linjigwida għall-Multi tal-2006 – u għal darb'oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora bażi dettaljata għal kalkolazzjoni tal-multi, flimkien ma' prinċipji ġodda għall-multi fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;

32.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-linjigwida tagħha għall-multi u jissuġġerixxi li din tevalwa prinċipji bħall-:

kunsiderazzjoni li l-implimentazzjoni ta' programmi ta’ konformità qawwija m’għandhiex ikollha implikazzjonijiet negattivi għal awtur ta’ infrazzjoni lil hinn minn dak li huwa rimedju proporzjonat għall-ksur;

introduzzjoni ta' distinzjoni fil-livell ta' multi għall-impriżi li jkunu aġixxew intenzjonalment jew b'negliġenza;

kunsiderazzjoni tal-interazzjoni bejn ir-responsabilitajiet pubbliċi u privati skont il-liġi antitrust tal-UE; il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-multi jikkunsidraw kwalunkwe kumpens li diġà jkun tħallas lil partijiet terzi; dan għandu jkun applikabbli għall-impriżi li qegħdin jibbenefikaw minn klemenza; barra minn hekk min jagħmel infrazzjoni għandu jitħeġġeġ biex iħallas kull dannu abbażi ta’ soluzzjoni ekstraġudizzjarja qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar il-multa;