ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.198.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 198

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
10 ta' Lulju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-489 sessjoni plenarja tas-17 u t-18 ta’ April 2013

2013/C 198/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-effetti ekonomiċi tas-sistemi tal-elettriku li jirriżultaw minn provvista miżjuda u intermittenti minn sorsi rinnovabbli (Opinjoni esploratorja)

1

2013/C 198/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Ajru Uniku Ewropew II + (opinjoni esploratorja)

9

2013/C 198/02

OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tessuti tekniċi: mutur tat-tkabbir (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

14

2013/C 198/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Politika tal-UE dwar l-Artiku biex tindirizza l-interessi globali emerġenti fír-reġjun — Il-fehma tas-soċjetà ċivili (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

26

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-489 sessjoni plenarja tas-17 u t-18 ta’ April 2013

2013/C 198/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxaCOM(2012) 722 final

34

2013/C 198/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UECOM(2012) 537 final

39

2013/C 198/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħuCOM(2012) 433 final

45

2013/C 198/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-FuturCOM(2012) 556 final

51

2013/C 198/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbliCOM(2012) 595 final — 2012/0288 (COD)

56

2013/C 198/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSSCOM(2013) 40 final — 2013/0022 (COD)

67

2013/C 198/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-SajdCOM(2013) 09 final — 2013/0007 (COD)

71

2013/C 198/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)

73

2013/C 198/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitietCOM(2013)102 final — 2013/0062 COD

77

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-489 sessjoni plenarja tas-17 u t-18 ta’ April 2013

10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-effetti ekonomiċi tas-sistemi tal-elettriku li jirriżultaw minn provvista miżjuda u intermittenti minn sorsi rinnovabbli” (Opinjoni esploratorja)

2013/C 198/01

Relatur: is-Sur Wolf

Nhar is-7 ta’ Diċembru 2012, il-Presidenza Irlandiża futura tal-UE ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-effetti ekonomiċi tas-sistemi tal-elettriku li jirriżultaw minn provvista miżjuda u intermittenti minn sorsi rinnovabbli

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Sommarju eżekuttiv

1.1

Il-KESE appoġġja bis-sħiħ is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu u t-tħejjija tal-hekk imsejjaħ pakkett 20/20/20.

1.2

Il-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE hija maħsuba biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju relatati mal-produzzjoni tal-enerġija (u b’hekk jingħata kontribut għal sehem l-Ewropa fil-protezzjoni tal-klima) u d-dipendenza mill-importazzjonijiet (u b’hekk tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija).

1.3

Is-sehem dejjem akbar ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli qanqal dibattitu ħaj dwar il-konsegwenzi tekniċi u ekonomiċi ta’ tali żieda. Fuq talba tal-Presidenza Irlandiża, l-għan tal-KESE hu li jipprovdi aktar ċarezza u trasparenza dwar din il-kwistjoni.

1.4

Apparti sehem partikolari mit-taħlita tal-enerġija, is-sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli jirrikjedu l-implimentazzjoni ta’ komponenti addizzjonali tas-sistema tal-enerġija: estensjonijiet tal-grilja, faċilitajiet ta’ ħżin, kapaċitajiet ta’ riżerva u sforzi favur l-użu flessibbli. Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu żviluppati u installati bis-sħiħ dawn il-komponenti neqsin.

1.5

F’każ li dawn il-komponenti ma jkunux disponibbli, jista’ jagħti l-każ li jew l-enerġija prodotta ma tkunx tista’ tintuża l-ħin kollu jew li n-netwerks u s-sistemi ta’ kontroll xi drabi jkunu mgħobbija żżejjed. Konsegwentement, il-faċilitajiet installati ma jintużawx b’mod effiċjenti u jistgħu jiġu pperikolati s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-vijabbiltà ta’ suq Ewropew tal-enerġija.

1.6

Għaldaqstant, ir-regoli dwar it-tqegħid tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-grilja (feed-in) għandhom jiġu riveduti bir-reqqa, tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista f’kull ħin u jiġi żgurat li l-produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tissodisfa d-domanda.

1.7

L-espansjoni tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-enerġiji rinnovabbli intermittenti għadha tirrikjedi aktar investimenti sostanzjali biex jiġu żviluppati u mħaddma l-komponenti neqsin tas-sistema kompluta. B’mod partikolari, l-iżvilupp u l-installazzjoni ta’ kapaċità ġenerali ta’ ħżin adatta jirrappreżentaw sfida, opportunità u neċessità assoluta.

1.8

B’riżultat ta’ dan, iż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli intermittenti tista’ twassal għal żieda sinifikanti fl-ispejjeż tal-elettriku li, jekk tiġi mgħoddija lill-konsumaturi, tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku.

1.9

Sistema tal-enerġija sostenibbli li tkun magħmula prinċipalment minn sorsi rinnovabbli, għalkemm tfisser spejjeż addizzjonali meta mqabbla mas-sistemi attwali bbażati fuq il-fossili, hija l-unika soluzzjoni fit-tul għall-ġejjieni tiegħi mil-lat tal-enerġija. Għandu jiġi nnutat ukoll li ż-żieda fl-ispiża hija inevitabbli minħabba l-ftehim li jiġu inklużi l-ispejjeż esterni u jinqatgħu s-sussidji b’rabta mal-enerġija bbażata fuq il-fossili.

1.10

Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tara li jitfassal studju ekonomiku adatt u bir-reqqa dwar il-kwistjoni koperta minn din l-Opinjoni. Dan l-istudju għandu jagħti ħarsa kwantitattiva lejn il-mistoqsijiet li għadhom ma ġewx indirizzati.

1.11

Fost ir-riperkussjonijiet ekonomiċi l-oħra minħabba din iż-żieda fl-ispejjeż jista’ jkun hemm (i) ħsara potenzjali lill-kompetittività tal-industrija Ewropea, kif ukoll (ii) piż akbar b’mod partikolari fuq il-gruppi soċjalment żvantaġġati.

1.12

Għaldaqstant hemm riskju li aktar manifatturi jirrilokaw f’pajjiżi terzi, fejn l-enerġija hija irħas. Dan mhux biss ixekkel il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju) iżda jdgħajjef ukoll l-ekonomija u l-prosperità tal-Ewropa.

1.13

Peress li jista’ jkun hemm aktar spejjeż addizzjonali minħabba sussidji u inċentivi mhux adatti li jvarjaw minn pajjiż Ewropew għal ieħor, jeħtieġ li l-kwistjoni kollha tal-ispejjeż kif ukoll l-istrateġiji dwar l-enerġija alternattiva jiġu diskussi b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ispejjeż esterni tad-diversi sistemi tal-enerġija u l-interdipendenza tagħhom.

1.14

B’konsegwenza t’hekk, jinħtieġu politika komuni Ewropea dwar l-enerġija u suq intern tal-enerġija. Dawn jistgħu jipprovdu l-bażi għal qafas leġislattiv affidabbli li jkun jispira l-fiduċja u jippermetti kemm l-investiment fl-enerġija kif ukoll sistemi tal-enerġija madwar l-Ewropa kollha – l-għan globali tal-isforzi biex tinbena Komunità Ewropea tal-Enerġija.

1.15

Jinħtieġ strument ta’ appoġġ effettiv u aktar orjentat lejn is-suq li jaqdi l-objettivi ambjentali, soċjali u ekonomiċi, li jirrifletti l-ispejjeż esterni possibbli u li jkopri l-UE kollha sabiex it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu jikkompetu fi swieq ħielsa.

1.16

Għal dan il-għan jista’ jintuża l-ipprezzar adatt tal-karbonju (pereżempju taxxa). Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa inizjattivi ta’ politika adatti għal tali strument ta’ appoġġ. L-istrumenti kollha l-oħra li jappoġġjaw il-penetrazzjoni fis-suq ta’ diversi sorsi ta’ enerġija mbagħad jistgħu jiġu eliminati.

1.17

In-natura globali tal-problema tal-klima u l-integrazzjoni ekonomika internazzjonali jirrikjedu enfasi aktar qawwija fuq is-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali u l-emissjonijiet globali tal-karbonju. Għaldaqstant, il-ftehimiet globali dwar il-protezzjoni tal-klima huma ta’ importanza vitali.

1.18

Element importanti tal-proċedura ulterjuri jkun it-twaqqif ta’ djalogu pubbliku – Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija – dwar l-enerġija madwar l-Ewropa kif enfasizzat fil-proposta li ġiet adottata dan l-aħħar mill-Kumitat, u li ntlaqgħet mill-Kummissjoni Ewropea. Eventwalment, jinħtieġ li jsir studju dwar l-impatt tal-Pjan Direzzjonali 2050 dwar l-eknomija tal-UE u l-kompetittività globali tagħha, qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet finali b’impatti fit-tul.

2.   Daħla

2.1

Il-Kumitat jilqa’ t-talba tal-Presidenza Irlandiża, li tindirizza problema serja – problema li għad trid tiġi solvuta jekk għandu jinkiseb l-għan tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050. Il-KESE appoġġja bis-sħiħ is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu u t-tħejjija tal-hekk imsejjaħ pakkett 20/20/20.

2.2

Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Kumitat iddiskuta kwistjonijiet relatati ma’ dan is-suġġett fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija” (CESE 1880/2012). Il-Kumitat talab biex jiġu installati aktar faċilitajiet għall-konverżjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’enerġija elettrika, iżda fil-qafas ta’ taħlita bbilanċjata tal-enerġija. Huwa rrakkomanda enfasi aktar qawwija fuq l-aspetti ekonomiċi u soċjali u fuq il-limitazzjoni tal-ispejjeż li dejjem jiżdiedu, qabel kollox permezz tal-ipprezzar adatt tal-karbonju li għandu jkun l-uniku strument ta’ appoġġ użat. Dan il-prinċipju huwa l-bażi ta’ din l-Opinjoni.

2.3

Fir-rigward tal-kuntest u l-punti ta’ tluq ta’ din l-Opinjoni, għandu jiġi nnotat li:

s’issa, l-isforzi internazzjonali għall-prevenzjoni ta’ żieda oħra fl-emissjonijiet globali tas-CO2 fil-fatt ma rnexxewx (Dieter Helm, The Carbon Crunch, Yale University Press, 2012); m’aħniex ’il bogħod wisq minn livelli li jisbqu l-limitu ta’ 400 ppm;

l-enerġija – dejjem aktar fil-forma ta’ enerġija elettrika – hija l-essenza tas-soċjetà industrijali tal-lum il-ġurnata. Interruzzjoni fit-tul tal-elettriku jista’ jkollha konsegwenzi serji ħafna (Was bei einem Black-Out geschieht, Studien des Büros für Technikfolgen-Abschätzung beim Deutschen Bundestag, (X’jiġri meta jkun hemm interruzzjoni tal-elettriku. Studji tad-Dipartiment għall-Valutazzjoni tal-Impatt Tekniku tal-Parlament Ġermaniż), 2011);

għal din ir-raġuni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għandha tal-anqas tingħata l-istess prijorità bħal kriterji oħra tal-politika dwar l-enerġija;

il-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011 ikkonferma l-għan tal-UE li sal-2050 l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu bi 80-95 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 bħala l-kontribut tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-klima. Fil-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijet tal-karbonju fl-2050 tal-Kummissjoni (COM(2011) 112 final) dan l-għan jissarraf fi tnaqqis ta’ 5 % biss tal-valur ta’ referenza fis-settur tal-elettriku;

sabiex jinkiseb l-għan finali tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u tiġi rispettata d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ser ikollhom jieħdu dak is-sehem tal-produzzjoni tal-enerġija fit-taħlita tal-enerġija stabbilita minn kull Stat Membru li ma jkunx kopert mill-enerġija nukleari jew l-impjanti li jiġbru u jaħżnu d-diossidu tal-karbonju (CCS);

il-problema ewlenija tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma dominanti bħalissa, bħall-enerġija mir-riħ u dik tax-xemx, hija l-fluttwazzjonijiet kbar fil-produzzjoni tal-enerġija, li ma jistgħux jipprovdu kapaċità sigura (Friedrich Wagner, Features of an electricity supply system based on variable input (Karatteristiċi ta’ sistema tal-provvista tal-elettriku ibbażata fuq sorsi varjabbli), Max Planck Institute for Plasma Physics, 2012). Dan diġà qed joħloq problemi viżibbli, iqajjem dibattitu pubbliku u jiġbed l-attenzjoni politika u tal-mezzi tax-xandir.

3.   Il-kwistjoni tal-ispejjeż

3.1

Il-kwistjoni ekonomika ewlenija li qed tiffaċċja kull sistema tal-provvista tal-enerġija hija l-ispiża biex tiġi żviluppata u mħaddma s-sistema kollha – mill-produtturi tal-enerġija sal-konsumaturi – u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità ekonomika, il-kompetittività u s-sostenibbiltà soċjali.

3.2

Tul dawn l-aħħar snin l-ispejjeż żdiedu b’mod sinifikanti fis-setturi kollha tal-provvista tal-enerġija. Dan japplika għas-sorsi tal-karburant fossili bħaż-żejt jew il-gass (fejn iż-żidiet huma aggravati bit-taxxi u imposti oħra), l-impjanti ġodda tal-enerġija nukleari minħabba l-ispejjeż addizzjonali sinifikanti tas-sistemi ta’ sigurtà, u b’mod partikolari anke fil-każ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minħabba s-sussidji sostanzjali u l-mekkaniżmi ta’ appoġġ meħtieġa biex jirnexxilhom jippenetraw is-suq. Barra minn hekk, fis-sistema kompluta hemm spejjeż indiretti li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-grilja, ir-regolazzjoni tal-enerġija, riżerva ta’ kapaċità supplimentari (backup capacity), kif ukoll spejjeż esterni li jvarjaw minn teknoloġija tal-enerġija għal oħra.

3.3

Minħabba s-sussidji u/jew taxxi differenti fuq is-sorsi individwali tal-enerġija fl-Istati Membri individwali, huwa partikolarment diffiċli u kkumplikat li tingħata stampa ġenerali u li tkopri l-UE kollha tal-ispejjeż tas-sorsi differenti tal-enerġija. Dan l-aspett ser jerġa’ jiġi kkunsidrat fil-kummenti fit-taqsima 4.

3.4

F’din it-taqsima, ser niddiskutu l-ispejjeż mistennija ta’ sehem dejjem akbar ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, qabel ma nħarsu lejn ir-riperkussjonijiet ekonomiċi possibbli l-oħra u nagħmlu rakkomandazzjonijiet għal azzjoni fit-taqsimiet ta’ wara. Filwaqt li sorsi oħra tal-enerġija jistgħu jesperjenzaw ukoll żieda fl-ispejjeż, filwaqt li t-tbassir tal-iżviluppi ta’ karburanti fossili fil-futur – f’termini ta’ użu u anke ta’ spejjeż – jirrifletti b’mod wiesa’ d-dibattiti dwar il-potenzjal tal-gass u ż-żejt tax-shale u dwar id-differenzi sinifikanti fil-prezz tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE u pereżempju l-Istati Uniti tal-Amerika, u filwaqt li dan jista’ jkun fattur importanti biex jiġu vvalutati l-benefiċċji ekonomiċi u r-riskji ta’ żieda fl-installazzjoni ta’ faċiltajiet ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti, din it-taqsima tiffoka fuq l-ispejjeż mistennija ta’ żieda fl-użu tas-sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli.

3.5

Ta’ min jinnota n-natura tentattiva ta’ din l-analiżi peress li ma teżisti l-ebda analiżi indipendenti u awtorevoli li tipprovdi mudell komprensiv għalkollox tal-ispejjeż tal-enerġija, li mhux biss jinkludi l-esternalitajiet magħrufa kollha iżda jirrikonoxxi wkoll l-impatt sinifikanti tal-iżviluppi reċenti fil-provvista u l-produzzjoni ta’ karburanti fossili mhux konvenzjonali. Jinħtieġ ukoll li, qabel ma jsiru deċiżjonijiet finali b’impatti fit-tul, eventwalment il-Kummissjoni tniedi studju dwar l-impatt tal-Pjan Direzzjonali 2050 dwar l-ekonomija tal-UE u l-kompetittività globali tagħha. Madankollu l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu analizzati.

3.6

L-ispejjeż esterni jaqdu rwol ewlieni fid-dibattitu dwar is-sorsi differenti ta’ enerġija (speċjalment l-enerġija nukleari). It-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jkunu assoċjati wkoll ma’ riskji (pereżempju materjal tossiku jew li tinfaqa’ xi diga) u spejjeż esterni (pereżempju okkupazzjoni kbira tal-art). Madankollu, analiżi kwantitattiva ta’ dawn il-fatturi u l-interdipendenza tagħhom (pereżempju minħabba impjanti ta’ riżerva li jużaw il-karburanti fossili) tmur lil hinn mill-ambitu ta’ din l-Opinjoni, iżda għandha tiġi indirizzata f’dibattiti futuri.

3.7

Jekk ikomplu jiżdiedu l-installazzjonijiet ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, l-ispejjeż sistemiċi indiretti ser jisbqu l-ispejjeż diretti tal-“faċilitajiet tal-produzzjoni tal-elettriku”. Għalkemm sadanittant l-ispejjeż diretti ta’ tali “faċilitajiet tal-produzzjoni” naqsu b’mod sinifikanti għadhom mhumiex kompetittivi mingħajr sussidji u għadhom qed jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kont tal-enerġija. Madankollu, il-fatturi tal-ispejjeż addizzjonali tas-sistema kompluta tal-provvista tal-enerġija msemmija hawn taħt ser isiru sostanzjalment aktar sinifikanti ladarba jiżdied is-sehem relattiv tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dan huwa spjegat f’aktar dettal hawn taħt.

3.8

Il-produzzjoni intermittenti: l-enerġija mir-riħ u mix-xemx tiġi prodotta biss meta jkun ir-riħ u/jew ix-xemx. Dan ifisser li l-faċilitajiet li jintużaw għall-konverżjoni ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli f’elettriku jiksbu produzzjoni massima għal numru limitat ta’ sigħat fis-sena biss – il-perjodu tal-użu tal-kapaċità installata huwa ta’ madwar 800 – 1 000 siegħa għaċ-ċelloli fotovoltajċi (fil-Ġermanja) u madwar 1 800 – 2 200 siegħa għall-enerġija mir-riħ fuq l-art, jew madwar darbtejn iktar għal dik lil hinn mill-kosta. Pereżempju, fil-Ġermanja r-rendiment tal-enerġija (sors: Energie-Daten 2011, Bundesministerium für Wirtschaft BRD (Data dwar l-enerġija għall-2011, il-Ministeru Ġermaniż tal-Ekonomija)) fl-2011 miċ-ċelloli fotovoltajċi u t-turbini tar-riħ kien ftit iktar minn 10 % u ftit anqas minn 20 % rispettivament tar-rendiment totali teoretiku annwali li jista’ jinkiseb bi produzzjoni kostanti. B’ kuntrast, l-impjanti tal-enerġija fossila u nukleari jistgħu jiksbu livelli ħafna ogħla (80 - 90 %) tal-użu medju annwali (jiġifieri aktar minn 7 000 siegħa b’kapaċità sħiħa), u b’hekk dan il-potenzjal jista’ jintuża għall-kapaċità ta’ tagħbija bażi (baseload capacity).

3.9

Kapaċità żejda: dan ifisser li biex tiġi sostitwita l-produzzjoni medja annwali mis-sorsi ta’ enerġija “konvenzjonali” – fossili jew nukleari – bl-użu ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, il-kapaċità tal-produzzjoni jkollha tiżdied b’numru ta’ drabi ħafna aktar mill-ogħla livell tat-tagħbija annwali; ser ikun hemm bżonn li jiġi installat għadd sinifikanti ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni b’kapaċità żejda u ser ikollhom jinżammu operattivi flimkien ma’ għadd sinifikanti żejjed ta’ faċilitajiet ta’ trażmissjoni/distribuzzjoni. Ser ikun hemm bżonn saħansitra aktar minn dawn il-faċilitajiet minħabba t-telf tal-enerġija matul il-ħżin u l-użu mill-ġdid.

3.10

Żewġ każijiet tipiċi: il-konsegwenzi ta’ din in-neċessità jistgħu jintwerew permezz ta’ żewġ sitwazzjonijiet tipiċi; minn naħa hemm sitwazzjoni fejn matul il-perjodu kkonċernat ħafna mill-“faċilitajiet ta’ produzzjoni” jipprovdu l-elettriku ( provvista żejda ) u, min-naħa l-oħra, hemm sitwazzjoni fejn qed topera biss minoranza insuffiċjenti ta’ faċilitajiet ( domanda żejda ).

3.11

Provvista żejda: fid-dawl tal-bżonn ta’ kapaċitajiet għall-provvista żejda, kull meta l-elettriku ġġenerat mir-riħ jew mix-xemx jisboq il-kapaċità tal-grilja u d-domanda attwali tal-konsumaturi li għandhom aċċess, jistgħu jiġru tliet affarijiet: jew il-produzzjoni tieqaf parzjalment (jiġifieri xi enerġija li tista’ tiġi prodotta ma tintużax) jew il-grilji jiġu mgħobbija żżejjed, jew – jekk ikunu jeżistu l-faċilitajiet meħtieġa – l-enerġija elettrika żejda tinħażen u mbagħad tiġi provduta lill-konsumaturi meta l-produzzjoni mir-riħ jew mix-xemx ma tkunx biżżejjed. Huwa mistenni li l-possibbiltajiet ta’ konsum flessibbli jimmitigaw għal dan (punt 3.16).

3.11.1

Tagħbija eċċessiva tal-grilja u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-enerġija prodotta mill-impjanti tar-riħ u/jew solari fil-Ġermanja xi drabi diġà qed twassal biex il-grilji ta’ trażmissjoni eżistenti fil-pajjiżi ġirien (speċjalment il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija (EurActiv, 21 ta’ Jannar 2013)) jiġu mgħobbija żżejjed. Dan huwa sors ta’ tensjoni li jista’ jhedded l-operazzjoni tal-grilja u jista’ joħloq ukoll spejjeż addizzjonali minħabba miżuri ta’ rimedju, apparti l-bżonn li jsir investiment f’sistemi protettivi (bħat-trasformaturi li jbiddlu l-kurrent (phase-shifting transformers)). Hemm riskju li l-limitu ta’ tolleranza jinqabeż b’mod sinifikanti u li s-sigurtà tal-provvista tiġi pperikolata b’mod serju.

3.11.2

Ħżin. Sabiex (i) titnaqqas minn fuq il-grilja t-tagħbija ta’ provvista żejda mill-kapaċitajiet eċċessivi li huma riżultat inerenti tal-applikazzjoni dejjem akbar ta’ sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli u (ii) din l-enerġija tinħażen biex tintuża aktar tard, l-iżvilupp u l-installazzjoni ta’ kapaċità ta’ ħżin ġenerali u suffiċjenti jirrappreżentaw sfida, opportunità u neċessità assoluta.

3.11.3

It-telf tal-ħażniet. Għalkemm l-impjanti tal-ħżin tal-ilma jitilfu l-inqas ammont ta’ enerġija u ilhom għexieren ta’ snin jintużaw fuq skala kbira, minħabba fatturi ekonomiċi u naturali u l-bżonn ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku, l-ambitu għal użu akbar u suffiċjenti ta’ tali sistemi fl-Ewropa huwa limitat ħafna attwalment. Għadhom qed jiġu żviluppati sistemi oħra ta’ ħżin għal użu fuq skala kbira. Qed jitbassar li l-provvisti tal-elettriku minn faċilitajiet ta’ ħżin innovattivi ser jiswew tal-anqas darbtejn aktar mill-elettriku mhux maħżun (Niels Ehlers, Strommarktdesign angesichts des Ausbaus fluktuierender Stromerzeugung, (It-tfassil ta’ suq tal-elettriku fid-dawl tal-iżvilupp tal-produzzjoni intermittenti tal-enerġija), 2011); u dan ifisser fattur ta’ telf tal-anqas bin-nofs. B’mod partikolari f’dan il-qasam, hemm bżonn kbir ta’ riċerka u żvilupp.

3.11.4

L-iżvilupp ta’ sistema kompluta tal-provvista tal-elettriku għandu jkun prijorità. Għaldaqstant, sabiex jiġu installati aktar faċilitajiet għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, għall-ewwel ser ikollha tingħata prijorità lill-installazzjoni u t-tħaddim tal-komponenti neqsin tas-sistema kollha, b’mod partikolari sistemi ta’ ħżin u infrastrutturi ta’ trażmissjoni adegwati, kif ukoll sistemi ta’ użu flessibbli.

3.11.5

Miżuri preliminari. Dan għandu jseħħ sabiex ikun hemm bażi loġika kontinwa għat-tqegħid (feed-in) prijoritarju fuq il-grilja, sabiex ma jinqabiżx il-limitu massimu li tiflaħ l-grilja u sabiex il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli tkun tista’ tissodisfa d-domanda mingħajr ma tiġi mhedda s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Inkella ser ikollhom jiġu riveduti r-regoli dwar it-tqegħid (feed-in) prijoritarju.

3.12

Domanda żejda: fid-dawl tal-fatt li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom produzzjoni li tvarja, jistgħu jagħtu biss kontribut limitat ħafna għall-“kapaċità kostanti”, jiġifieri biex tiġi żgurata l-kopertura tal-ogħla livell ta’ konsum annwali. L-Aġenzija tal-Enerġija Ġermaniża (Dena) (Integration EE, Dena, 2012) tistma li dan il-kontribut huwa ta’ madwar 5-10 % għall-enerġija mir-riħ, u daqs 1 % għall-enerġija mix-xemx (meta mqabbel mat-92 % għall-impjanti li jaħdmu bil-linjite). Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jkunu ta’ għajnuna jew ta’ xkiel skont il-pożizzjoni ġeografika u l-kundizzjonijiet klimatiċi tal-pajjiżi individwali.

3.13

Impjanti ta’ riżervi supplimentari (backup). Dan ifisser li l-impjanti konvenzjonali tal-elettriku (l-impjanti ta’ riżervi supplimentari) ser jibqgħu meħtieġa biex tiġi kkumpensata l-produzzjoni mhux suffiċjenti mill-enerġija rinnovabbli u biex tiġi provduta kapaċità affidabbli li tista’ tiġi rregolata. Sakemm ma jkollniex biżżejjed faċilitajiet innovattivi għall-ħżin tal-elettriku, tali impjanti konvenzjonali ser jibqgħu essenzjali. Xi teknoloġiji konvenzjonali m’għadhomx irendu qligħ ekonomiku, għalkemm huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-operazzjoni tal-grilja. Jekk dawn l-impjanti ta’ riżervi supplimentrari jużaw il-karburanti fossili (b’kuntrast, pereżempju, mal-idroġenu ġġenerat permezz ta’ proċess ta’ elettroliżi mħaddma bl-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli) ser jagħmluha aktar diffiċli li jinkiseb l-għan tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050.

3.13.1

Inżommu riżerva ta’ kapaċità: meta mqabbla mal-impjanti “normali” li jipprovdu kapaċità ta’ tagħbija bażi, l-impjanti ta’ riżervi supplimentari jintużaw b’mod inqas intensiv matul is-sena u jistgħu joperaw b’livelli aktar baxxi ta’ effiċjenza u bi spejjeż varjabbli ogħla. Għalhekk għandhom spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja ogħla minn impjanti normali. L-inċentivi ekonomiċi meħtieġa biex tiġi żgurata r-riżerva ta’ kapaċità supplimentari meħtieġa qed jiġu diskussi bħalissa (Veit Böckers et alt., Braucht Deutschland Kapazitätsmechanismen für Kraftwerke? Eine Analyse des deutschen Marktes für Stromerzeugung (Il-Ġermanja għandha bżonn mekkaniżmi ta’ kapaċità għall-impjanti tal-elettriku? Analiżi tas-suq tal-elettriku Ġermaniż), Vierteljahrshefte zur Wirtschaftsforschung, 2012).

3.14

L-ibbilanċjar tad-differenzi reġjonali. Flimkien mal-impjanti ta’ riżervi supplimentari u t-teknoloġija tal-ħżin, possibbiltà oħra hija li jiġu bbilanċjati d-differenzi reġjonali f’termini ta’ provvista u domanda eċċesivi f’ċertu ħinijiet, pereżempju meta jkun ir-riħ fil-Majjistral tal-Ewropa iżda mhux fix-Xlokk. Madankollu, l-użu ta’ din il-possibbiltà jjirrikjedi li r-reġjuni li jibbenefikaw minn livelli għoljin ta’ riħ f’ċerti mumenti jkollhom bżonn ukoll biżżejjed kapaċità għall-provvista żejda biex ikopru d-domanda f’reġjuni fejn f’dak il-ħin ma jkunx hemm riħ u jfisser ukoll li ż-żewġ reġjuni jridu jkunu interkonnessi b’linji ta’ trażmissjoni adegwati.

3.15

L-espansjoni tal-grilji ta’ trażmissjoni tal-elettriku: fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza kbira tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku rinnovabbli talimenta grilji b’vultaġġ baxx jew medju, dawn tal-aħħar ser ikollhom jiġu żviluppati u msaħħa. It-transformaturi u s-sistemi ta’ kontroll (“grilji intelliġenti”) ser ikollhom jiġu adattati wkoll għar-rwol il-ġdid tal-grilji ta’ distribuzzjoni. Barra minn hekk, jinħtieġ ukoll b’mod urġenti investiment fil-grilji ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli peress li n-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet (pereżempju bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ġermanja) jikkaġuna flussi ta’ enerġija mhux ippjanati li jipperikolaw is-sigurtà tal-operazzjonijiet tas-sistemi ta’ trażmissjoni. Sa ċertu punt dan huwa minħabba l-fatt li ħafna mill-faċilitajiet tal-enerġija mir-riħ ma jinsabux viċin konċentrazzjonijiet kbar ta’ konsumaturi jew ta’ faċilitajiet ta’ ħżin, u minħabba l-fatt li l-kapaċità addizzjonali tista’ tippermetti sinkronizzazzjoni aktar mill-qrib fl-Ewropa sabiex jiġu sostitwiti parzjalment il-faċilitajiet ta’ ħżin u l-kapaċitajiet ta’ riżervi supplimentari.

3.15.1

L-iżgurar tal-użu ekonomikament vijabbli tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli Ewropea flimkien mal-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għalhekk ser jirrikjedu estensjoni sinifikanti tal-grilji eżistenti tal-elettriku fil-livell lokali, nazzjonali u transnazzjonali-Ewropew sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-produzzjoni tal-enerġija li tvarja.

3.16

Il-ġestjoni tad-domanda (Demand-Side Management, DSM) u l-elettromobbiltà: it-trasferiment tad-domanda mill-perjodi tal-ogħla livell ta’ konsum għal perjodi kwieti (“ħżin funzjonali tal-enerġija”), inkluża l-elettromobbiltà, hija possibbiltà oħra li tista’ tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti tal-intermittenza. Xi użi tal-elettriku jippermettu li dan iseħħ, pereżempju s-sistemi tal-arja kkondizzjonata u s-sistemi tat-tkessiħ u tat-tisħin, l-elettrolizzaturi u l-fran elettriċi għat-tidwib. L-elettromobbiltà permezz ta’ vetturi li jaħdmu bil-batteriji tista’ tkun possibbiltà oħra. Għandu jiġi stabbilit x’inċentivi finanzjarji, flimkien mal-użu tal-arloġġi intelliġenti, jistgħu jħeġġu lill-konsumaturi biex jagħmlu l-kapaċità rilevanti disponibbli.

3.17

L-ispejjeż tas-sistema b’mod ġenerali. L-ekonomija b’mod ġenerali, jiġifieri l-konsumaturi (u/jew il-kontribwenti), inevitabbilment ser iġġarrab l-ispejjeż totali tal-użu tas-sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn jinkludu l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ mill-anqas żewġ sistemi ta’ provvista tal-enerġija: minn naħa għadd ta’ impjanti li jaħdmu bl-enerġija rinnovabbli, li inevitabbilment jirrikjedu kapaċità sinifikanti għall-provvista żejda li tkun trid tintuża, u, min-naħa l-oħra, għadd addizzjonali ta’ impjanti tal-elettriku flimkien ma’ riżerva konvenzjonali ta’ kapaċità supplimentari, ħżin tal-elettriku, kapaċità ta’ trażmissjoni ġdida, u ġestjoni tad-domanda għall-klijenti aħħarin. Naturalment, dawn għandhom ikunu bbilanċjati mal-ispejjeż assoċjati mal-użu kontinwu tal-karburanti fossili (ara punt 3.3) u s-sussidji potenzjali għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli.

3.18

Sakemm m’hemmx raġunijiet oħra, għandu jiġi nnutat li f’pajjiżi fejn hemm skemi ta’ appoġġ proattivi għas-sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, pereżempju fil-Ġermanja u d-Danimarka, il-prezzijiet tal-elettriku domestiku diġà huma madwar 40-60 % ogħla mill-medja tal-UE (EUROSTAT 2012). B’riżultat ta’ dan, iż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli intermittenti b’konformità mal-miri tal-Pjan Direzzjonali 2050 ser twassal għal żieda fl-ispejjeż tal-elettriku li skont l-istimi ġenerali inizjali, jekk tiġi mgħoddija lill-konsumaturi, tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-elettriku. F’dan ir-rigward ara r-rakkomnadazzjoni f’punt 3.5.

3.19

L-ewwel tweġiba għall-mistoqsija tal-Presidenza Irlandiża għalhekk hija li l-produzzjoni dejjem akbar ta’ aktar elettriku minn sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli, b’konformità mal-miri tal-Pjan Direzzjonali 2050, ser twassal għal spejjeż ogħla b’mod sinfikanti għall-utenti tal-elettriku. S’issa, id-dibattitu pubbliku ġeneralment ma analizzax mill-qrib biżżejjed l-ispejjeż tas-sistema kompluta, u minflok iffoka biss fuq l-alimentazzjoni (intermittenti) tal-grilja mill-produzzjoni tal-enerġija, li hija stmata li tirrappreżenta nofs l-ispejjeż totali.

4.   Fatturi ekonomiċi

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-aktar punt importanti li għandu jiġi kkunsidrat huwa x’passi għandhom jittieħdu biex (i) iż-żieda fl-ispiża sussegwenti tibqa’ kemm jista’ jkun minima, (ii) l-impatt tagħha jista’ jsir aċċettabbli, (iii) tibbenefika s-saħħa ekonomika tal-Ewropa u (iv) tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija.

4.1

Is-sistema tal-enerġiji rinnovabbli b’mod ġenerali. Sabiex jiġu evitati ħela bla bżonn tar-riżorsi finanzjarji u prezzijiet tal-enerġija saħansitra ogħla, għandha tingħata prijorità lill-ippjanar, l-iżvilupp u l-installazzjoni tal-komponenti meħtieġa tas-sistema kompluta – faċilitajiet ta’ ħżin, netwerks u impjanti ta’ riżervi supplimentari – fuq skala /kbira biżżejjed biex titwitta t-triq biex jiġu installati aktar impjanti li jaħdmu bis-sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli. L-eżempju tal-Ġermanja u r-reazzjoni tal-pajjiżi ġirien juri x’jiġri meta dan il-prinċipju ma jiġix ikkunsidrat mill-bidu nett.

4.1.1

Kundizzjonijiet għall-provvedituri tal-enerġija. Dan ifisser li għandha tiġi installata tali sistema kompluta tal-enerġija rinnovabbli li tkopri l-UE kollha, sabiex tiġi evitata r-reviżjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fuq il-grilja (feed-in) (ara punt 3.10.5). Pereżempju, il-provvedituri tal-elettriku minn sorsi intermittenti ta’ enerġija rinnovabbli jistgħu jintalbu jsegwu skeda ta’ produzzjoni tal-enerġija ġurnata bil-quddiem. Dan jista’ jiġi ffaċilitat billi jiġu kkunsidrati wkoll is-sinerġiji potenzjali mas-sistemi tal-provvista bbażati fuq it-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u mas-sistemi tat-trasport.

4.2

Id-dibattitu dwar x’passi addizzjonali għandhom jittieħdu għandu jiddistingwi bejn il-kategoriji differenti, il-perjodi ta’ żmien u l-oqsma ta’ azzjoni (avolja dawn huma korrelati), pereżempju:

is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’kull ħin, bħala prijorità assoluta;

il-limitazzjonijiet tal-grilji kemm fil-livell ta’ trażmissjoni kif ukoll f’dak ta’ distribuzzjoni;

politiki Komunitarji fil-livell tal-UE kontra politiki separati mill-pajjiżi individwali;

f’termini ta’ politika ekonomika: implikazzjonijiet ta’ spejjeż ogħla, iċ-ċikli ta’ deprezzament, l-innovazzjoni, il-fiduċja tal-investituri, l-ispejjeż tal-enerġija fil-manifattura, il-kummerċ u t-trasport, l-ekonomija tas-suq kontra ekonomija ppjanata;

f’termini ta’ politika soċjali: impjiegi (mingħajr sussidji trasversali), l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi privati;

perjodu ta’ żmien: minn naħa jeħtieġ li nippjanaw sal-2020-2030 iżda min-naħa l-oħra rridu naħsbu lil hinn mill-2050. Neħtieġu ż-żmien għal ħafna żviluppi ġodda u l-implimentazzjoni tagħhom. Azzjoni mgħaġġla tista’ twassal biex isiru l-iżbalji;

il-possibbiltà li jiġu żviluppati u ttestjati approċċi innovattivi;

internazzjonalment: (i) b’rabta mal-klima/iż-żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u (ii) b’rabta mal-politika ekonomika u l-kompetittività Ewropea, “ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”.

4.3

Lista ta’ prijoritajiet. Meta jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet għal azzjoni, għandha tingħata aktar attenzjoni lit-tendenzi u l-fatti globali. Għandha titfassal lista ċara ta’ prijoritajiet għall-objettivi ewlenin u għandha titwaqqaf it-tendenza li kulma jmur dejjem tiżdied ta’ interferenza regolatorja mhux armonizzata mill-gvernijiet tal-Istati Membri differenti (ara punt 4.7). Għall-kuntrarju, jeħtieġ li nibnu l-fiduċja u b’hekk nirrilaxxaw l-interess potenzjali tas-settur privat fl-investiment. Il-punti li ġejjin jikkunsidraw xi aspetti ta’ din il-problema.

4.4

Approċċ globali: l-għan ġenerali tal-politika Ewropea dwar l-enerġija u l-klima għandu jkun li jittieħdu l-passi t-tajbin u jintbagħtu l-messaġġi t-tajbin b’mod li huwa kemm jista’ jkun propizju – minkejja x-xkiel sal-lum il-ġurnata (Kopenħagen, Cancun, Durban, Doha) – biex tiġi minimizzata ż-żieda fil-livelli globali ta’ konċentrazzjoni ta’ CO2 , tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika Ewropea fis-swieq globali u biex is-swieq Ewropej tal-enerġija jkunu kemm jista’ jkun ekonomiċi. Peress li l-klima hija kwistjoni globali, approċċ li jiffoka biss fuq l-Ewropa huwa qarrieqi. Jekk niddikjaraw rwol “pijunier” dan jista’ mhux biss iwassal għall-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi iżda jista’ jdgħajjef il-pożizzjoni internazzjonali ta’ negozjar tagħna u l-apprezzament tagħna tar-realtà.

4.5

Trasparenza, is-soċjetà ċivili u l-interessi tal-konsumatur: jekk irridu ninvolvu b’mod kostruttiv lis-soċjetà ċivili f’dawn il-proċessi (TEN/503) u biex nimplimentaw politiki tal-enerġija li jkunu mmirati aktar lejn l-interessi tal-konsumatur, jeħtieġ li jkun hemm aktar trasparenza u ċ-ċittadini ordinarji Ewropej u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jiġu infurmati aktar bil-fatti kwantitattivi u l-korrelazzjonijiet. Dan huwa aktar diffiċli li jinkiseb minħabba li diversi partijiet interessati privileġġati jressqu argumenti u informazzjoni żbilanċjati li jaħbu l-punti negattivi tal-pożizzjonijiet tagħhom. Il-Kumitat jilqa’ l-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill (il-Kunsill Enerġija Rinnovabbli, 3/12/2012), iżda fl-istess waqt jitlob għal politiki ta’ informazzjoni aktar ambizzjużi u trasparenti.

4.6

Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija. Element importanti tal-proċedura ulterjuri huwa t-twaqqif ta’ djalogu pubbliku dwar l-enerġija madwar l-Ewropa kif enfasizzat fil-proposta li ġiet adottata dan l-aħħar mill-Kumitat (TEN/503), u li ntlaqgħet mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa essenzjali li l-pubbliku jiġi involut, jifhem u jaċċetta d-diversi bidliet li s-sistema tal-enerġija tagħna ser ikollha tesperjenza tul id-deċennji li ġejjin. F’dan ir-rigward, is-sħubija u l-kostitwenza tal-KESE, li jirriflettu s-soċjetà Ewropea, huma f’pożizzjoni tajba biex jikkomunikaw maċ-ċittadini u l-partijiet interessasti fl-Istati Membri u biex jiġi stabbilit programm komprensiv ta’ demokrazija parteċipattiva u azzjoni prattika.

4.7

Komunità Ewropea tal-enerġija: il-Kumitat jikkonferma l-impenn tiegħu għal komunità Ewropea tal-enerġija (CESE 154/2012). Hija biss komunità bħal din li tista’ tirrappreżenta l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-Ewropa b’mod effettiv fir-relazzjonijiet mal-imsieħba internazzjonali filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-kundizzjonijiet reġjonali u klimatiċi rilevanti. Barra minn hekk, dan huwa l-uniku mezz kif jiġu kkoordinati u mtejba r-regoli nazzjonali u l-istrumenti ta’ appoġġ, li sikwit jikkontradixxu lil xulxin, u biex jiġi ġestit u implimentat l-iżvilupp tal-grilja fi ħdan l-Ewropa fl-aqwa mod possibbli.

4.8

Suq intern tal-enerġija: komunità Ewropea tal-enerġija timplika suq intern tal-enerġija ħieles (CESE 2527/2012), li jinkludi l-enerġiji rinnovabbli. Dan jista’ jiżgura li, fid-dawl tar-reviżjoni totali tas-sistema tal-provvista tal-enerġija maħsuba fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, il-produzzjoni tal-elettriku tista’ tiffoka fuq il-bżonnijiet tal-konsumatur b’mod kemm jista’ jkun ekonomiku, u li jsir investiment fi żmien tajjeb, fil-postijiet it-tajba (pereżempju fir-reġjuni bi klima tajba) u fl-aktar teknoloġiji ekonomiċi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. L-enerġiji rinnnovabbli għalhekk għandhom jiġu integrati f’suq intern tal-enerġija Ewropew li jopera b’konformità mal-prinċipji tas-suq ħieles.

4.8.1

Enerġiji rinnovabbli kompetittivi: biex l-enerġiji rinnovabbli jsiru kompetittivi fis-suq tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karburanti fossili għandhom jiġu kkunsidrati b’mod suffiċjenti fil-prezzijiet permezz ta’ strument ta’ prezzar jew tas-suq adatt u koerenti. Għaldaqstant fil-perjodu medju l-enerġiji rinnovabbli għandhom isiru “kompetittivi”. Il-prezzijiet mhux regolati tal-enerġija flimkien ma’ prezzijiet adatti tal-karbonju (pereżempju taxxi) bħala inċentiv ta’ investiment għandhom ikunu biżżejjed biex dan iseħħ. Flimkien ma’ tariffi adatti għall-użu tan-netwerk, dan għandu jkun kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti għall-investiment fl-impjanti ta’ riżervi supplimentari, il-faċilitajiet ta’ ħżin u l-ġestjoni tal-enerġija min-naħa tad-domanda fil-ħin it-tajjeb, fil-post it-tajjeb u fil-kwantità t-tajba. F’din is-sitwazzjoni,is-sussidji jkun hemm bżonnhom biss għal attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ demostrazzjoni marbutin mat-teknoloġiji l-ġodda.

4.9

Approċċ kawt fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż. Għalkemm iż-żieda mistennija fl-ispejjeż tal-elettriku għadha tibda, diġà qed jiġu diskussi jew saħansitra installati miżuri għal każijiet eċċezzjonali. Minn naħa, kif talab il-Kumitat (1), il-gruppi soċjali bi dħul baxx għandhom jiġu protetti mill-faqar enerġetiku. Min-naħa l-oħra, is-setturi industrijali li jagħmlu l-aktar użu intensiv tal-enerġija jeħtieġu protezzjoni miż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija sabiex ma tiddgħajjifx il-kompetittività globali tagħhom. Jekk dan ma jseħħx, is-siti ta’ produzzjoni tagħħom ikollhom jirrilokaw barra mill-Ewropa, f’pajjiżi fejn l-enerġija hija irħas. Dan żgur li ma jgħinx il-kawża tal-klima (“ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju”) (TEN/492).

4.9.1

Madankollu, waħda mir-riperkussjonijiet ta’ din is-sitwazzjoni hija li l-SMEs u l-gruppi bi dħul medju ser ikollhom iġarrbu wkoll l-ispejjeż li jkunu frankaw setturi speċifiċi.

4.10

Nevitaw id-deindustrijalizzazzjoni: għandu jiġi evitat li jkun hemm aktar deindustrijalizzazzjoni tal-UE. Attwalment, id-deindustrijalizzazzjoni qed toħloq l-illużjoni li l-isforzi Ewropej biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 qed jirnexxu. Madankollu, dak li verament qed jiġri huwa forma moħbija ta’ “rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju”: jekk il-prodotti jiġu manifatturati bnadi oħra minflok fl-Ewropa kif kien qed jiġri qabel, il-“marka tal-karbonju” assoċjata ser tibqa’ jew saħansitra tiġi aggravata.

4.11

Aktar riċerka u żvilupp minflok tnedijiet prematuri u mgħaġġla fis-suq fuq skala kbira. Id-distinzjoni bejn ir-riċerka, l-iżvilupp u d-demostrazzjoni fuq naħa, u t-tnedijiet fis-suq u l-appoġġ fuq skala kbira fuq in-naħa l-oħra m’għandhiex tiċċajpar; fost affarijiet oħra, din tista’ twassal saħansitra għal sitwazzjonijiet tas-suq li jfixklu l-innovazzjoni. Is-sussidji eċċessivi għall-enerġija fotovoltajka (pereżempju fil-Ġermanja, Frondel et al. Economic impacts from the promotion of renewable technologies. (L-impatti ekonomiċi tal-promozzjoni tat-teknoloġiji rinnovabbli),Energy Policy, 2010) ma għenux biex tiġi żviluppata sistema kompetittiva fl-UE (Hardo Bruhns u Martin Keilhacker, Energiewende – wohin führt der Weg, (Fejn ser twassalna t-tranżizzjoni enerġetika?), Politik und Zeitgeschichte, 2011). Illum għandna pannelli solari orħos minħabba ċ-Ċina u mhux minħabba l-Ewropa!Għaldaqstant, jeħtieġ li niffokaw fuq l-iżvilupp tal-possibbiltajiet kollha li jistgħu jkunu vijabbli għall-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, speċjalment sorsi li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċità ta’ tagħbija bażika, bħall-enerġija ġeotermali u l-fużjoni nukleari. Din il-problema mhux ser tiġi solvuta sal-2050, la fl-Ewropa u lanqas fil-bqija tad-dinja!

4.12

Inċentivi offruti għall-investiment: fid-dawl tal-kriżi attwali u l-bżonn li tiġi żviluppata s-sistema kompluta tal-provvista, jinħtieġu b’mod urġenti investimenti f’teknoloġiji u infrastrutturi ġodda. Tali investimenti jħeġġu l-ottimiżmu, u jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi u titrawwem il-fiduċja. Dan japplika wkoll għall-biċċa l-kbira tal-investimenti fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju bħas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, madankollu soġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet, li wħud minnhom diġà ssemmew aktar ’il fuq f’din l-Opinjoni. B’mod partikolari, il-politiki għandhom jevitaw dispożizzjonijiet li jitolbu teknoloġiji speċifiċi, peress li dawn jistgħu jwasslu għal aktar allokazzjoni ħażina tar-riżorsi limitati (ara hawn fuq).

4.13

Rakkomandazzjoni ġenerali. Ir-rakkomandazzjoni ġenerali għalhekk hija li jiġi rivedut il-qafas tar-regolamenti u l-kundizzjonijiet u li jiġi żgurat li dawn joħolqu klima li tistimola r-riċerka, tħeġġeġ l-investiment, tippromovi l-innovazzjoni, tappoġġja s-suq intern u ma tipperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Is-sussidji għandhom jiffokaw fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u d-demostrazzjoni ta’ teknoloġiji u sistemi. Fl-istess waqt, l-uniku appoġġ biex is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkunu kompetittivi fis-suq għandu jiġi mill-kriterju tal-ispejjeż marbuta mal-evitar tas-CO2 (l-ipprezzar tal-karbonju) (CESE 271/2008). Fl-istess ħin is-sussidji kollha għall-konsum tal-karburanti fossili għandhom jitneħħew.

4.14

Kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kompetizzjoni globali. Sabiex jiġi żgurat li dan l-approċċ jikkontribwixxi biżżejjed għall-indirizzar tal-isfidi globali tal-klima mingħajr ma jiġu imponuti żvantaġġi kompetittivi addizzjonali fil-livell internazzjonali fuq l-industrija Ewropea, il-pajjiżi f’partijiet oħra fid-dinja għandhom jagħmlu sforzi simili b’mod urġenti jew jaqblu dwar miri konġunti u realistiċi sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti u komparabbli għall-kompetizzjoni fil-livell globali. Minkejja d-diżappunti sal-lum il-ġurnata, il-Kumitat jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-UE biex dan jinkiseb.

4.15

L-Ewropa tinqata’ għal rasha. Madankollu, jekk dawn l-isforzi ma jirnexxux, tibqa’ l-mistoqsija ta’ kemm l-UE tiflaħ tibqa’ maqtugħa għal rasha u taħdem għal miri radikali mingħajr ma ddgħajjef b’mod serju s-saħħa ekonomika tagħha stess u b’hekk iċċaħħad lilha nnifisha mir-riżorsi li tant teħtieġ biex tħejji għat-tibdil fil-klima – li f’dak il-każ probabbilment ikun inevitabbli – flimkien mar-riperkussjonijiet ekonomiċi u politiċi kollha tiegħu.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  C 44 – 11/02/2011, p. 53-56.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Ajru Uniku Ewropew II +” (opinjoni esploratorja)

2013/C 198/02

Relatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar l-24 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-Ajru Uniku Ewropew II +

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.

Matul l-489 … sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’188 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ikkompletar tal-Ajru Uniku Ewropew (SES – Single European Sky) tal-UE jagħmel parti integrali mill-proċess għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE billi jsaħħaħ iżjed is-suq uniku Ewropew. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru li jkunu aħjar, iżjed effettivi u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej.

1.2

Il-kriżi li għadha għaddejja fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE, u b’mod partikolari fl-industrija tal-linji tal-ajru titlob b’iżjed qawwa l-implimentazzjoni urġenti tal-SES. Huwa tal-akbar importanza li s-servizzi marbuta mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Ewropew (ATM) ikollhom livell ta’ effiċjenza f’termini ta’ prestazzjoni, ekonomiji, kwalità, sigurtà u protezzjoni tal-ambjent, li jixbah lill-aħjar prattiki globali.

1.3

B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu TEN/451 (20/06/2011) u TEN 354/355 (21/01/2009) il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-SES u l-inizjattivi relatati mar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) fi ħdan l-ambitu li oriġinarjament intlaħaq ftehim dwaru fl-2004 u l-2009. L-istrumenti legali previsti fir-regolamenti tal-UE għall-Kummissjoni Ewropea huma biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan. Minħabba l-kriżi għadu għaddej minnha s-settur tal-avjazzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-industrija tal-linji tal-ajru, tista’ ssir riflessjoni dwar l-għanijiet għall-2025.

1.4

Il-KESE jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li l-miri kienu indirizzati għalihom naqsu milli jikkonformaw ma’ dawn il-miri mingħajr ma ffaċċjaw l-ebda konsegwenza legali effettiva. Il-KESE jiddispjaċih ukoll li l-biċċa l-kbira tal-inizjattiva tal-blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FAB – Functional Airspace Block) ma tatx ir-riżultati mistennija u li ma ġietx rispettata l-iskadenza vinkolanti tal-4 ta’ Diċembru 2012.

1.5

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tagħti iżjed impetu lill-SES permezz tal-inizjattiva hekk imsejħa SES II+.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-qafas legali attwali tal-SES m’għandhiex tiffoka biss fuq l-iżviluppi istituzzjonali u fuq it-titjib taċ-ċarezza ġuridika, iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-elementi li ġejjin:

komponenti minn fuq għal isfel biex jikkomplementaw l-approċċ minn isfel għal fuq;

infurzar aħjar ta’ implimentazzjoni f’waqtha u sostanzjali tal-SES permezz ta’ sanzjonijiet għan-nonkonformità;

is-separazzjoni tas-servizzi anċillari tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), billi tiftaħhom iżjed għall-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq;

id-definizzjoni ta’ għanijiet fejn il-kwalità tas-servizz u t-titjib tal-effiċjenza jingħataw importanza ndaqs;

sehem ikbar min-naħa tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

1.7

L-industrija Ewropea tal-linji tal-ajru qiegħda f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna, li diġà kkawżat it-telf ta’ eluf ta’ impjiegi. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-SES u ż-żieda fl-effiċjenza tiegħu huma importanti wkoll biex jitħarsu l-impjiegi f’din il-parti tal-katina ta’ valur tal-avjazzjoni.Il-ħames pilastru tal-SES huwa fundamentali hawnhekk f’termini ta’ adegwatezza peress li jindirizza l-isfidi fir-rigward tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-ħaddiema, il-bidliet fil-ġestjoni tal-persunal u t-taħriġ vokazzjonali. Għaldaqstant, id-djalogu soċjali għandu jkun imsaħħa u jħares lil hinn minn sempliċement is-settur tal-ATM u jkopri wkoll il-parteċipazzjoni ta’ msieħba soċjali oħrajn apparti r-rappreżentanti tal-provveditur ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSP), u għandu jwessa’ l-ambitu tiegħu biex jiġu diskussi l-konsegwenzi soċjali għall-ħaddiema tas-settur tal-ATM, il-kumpaniji tal-ajru u tal-ajruporti u l-modi kif jitħarsu l-impjiegi fl-industrija usa’ tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE.

1.8

L-Istati Membri, inklużi dawk li għadhom lura fl-implimentazzjoni tal-SES, għandhom jippreżentaw l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp futur tas-settur tat-trasport bl-ajru.

1.9

Il-KESE jemmen li l-livell għoli ta’ sikurezza miksub mis-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu jibqa’ assolutament importanti. Huwa fundamentali li jiġi żgurat li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi jkomplu jappoġġjaw iż-żieda fil-livell tas-sikurezza.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-ikkompletar tal-Ajru Uniku Ewropew (SES – Single European Sky) jagħmel parti integrali mill-proċess għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE billi jsaħħaħ iżjed is-suq uniku Ewropew. L-SES għandu l-għan li jtejjeb l-effiċjenza globali tal-mod li bih l-ispazju tal-ajru Ewropew jiġi organizzat u ġestit. Dan jnkludi t-tnaqqis tal-ispejjeż, it-titjib tas-sigurtà u l-kapaċità u t-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent. L-għan tiegħu huwa li jipprovdi kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru li jkunu aħjar, iżjed effettivi u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej.

2.2

Fid-dawl tar-rapporti reċenti tal-Eurocontrol (ACE Benchmarking Report 2010. abbozz tal-ACE Benchmarking Report 2011 u abbozz tal-PRU Report 2011), jeħtieġ li jingħad li matul il-perjodu 2007-2011 kien hemmm bosta tibdil. Għaldaqstant, kwalunkwe analiżi tal-varjazzjoni globali fil-kosteffettività m’għandhiex issir mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-avvenimenti prinċipali matul dan il-perjodu.

2.3

Fl-2010, l-ispiża annwali kkawżata mill-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew kienet ta’ EUR 4 biljun. Dan jinkludi d-19,4 minuti ta’dewmien minħabba l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (air traffic flow management – ATFM) waqt it-titjiriet; barra minn hekk, kull titjira, bħala medja, kienet 49 km itwal mir-rotta ta’ titjira diretta. Fil-livell Ewropew, l-ispiża ekonomika għal kull siegħa ta’ titjira b’mod kompost żdiedet kemxejn bejn l-2006 u l-2009 (jiġifieri +1 % fis-sena f’termini reali); żdiedet b’mod sostanzjali fl-2010 (jiġifieri +4,6 % f’termini reali) qabel ma reġgħet niżlet fl-2011 (-4,3 %) qabel l-Ewwel Perjodu ta’ Referenza tal-SES II. Fl-2010, l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/il-komunikazzjoni, in-navigazzjoni u s-sorveljanza (ATM/CNS) naqsu b’-4,8 % f’termini reali, li ġie kkonsmat minn żieda sostanzjali fl-ispejjeż għal kull unità tad-dewmien fil-qasam tal-ATFM (+77,5 %) li, għall-kuntrarju, naqsu b’42 % fl-2011.

2.4

Il-varjazzjoni kbira fl-ispejjeż totali li ġarrbu l-linji tal-ajru għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li fl-2010 kienu jvarjaw minn EUR 849 sa EUR 179 – jiġifieri fattur ta’ ’l fuq minn 5 – hija ta’ importanza partikolari. Barra minn hekk, il-ħames l-ikbar ANSPs, li lkoll joperaw taħt kundizzjonijiet ekonomiċi u operattivi li, b’mod ġenerali, huma simili, taw xhieda ta’ differenzi kbar ħafna fl-ispejjeż tagħhom għal kull unità, li kienu jvarjaw bejn EUR 466 u EUR 720. Din id-distribuzzjoni twassal messaġġ ċar li mhux qed ikun hemm l-aqwa ATM possibbli fl-Ewropa.

2.5

Ir-riżultati tal-iskemi tal-SES I u l-SES II (introdotti fl-2004 u l-2009 rispettivament) juru li l-prinċipji u d-direzzjoni ġenerali tal-inizjattiva tal-SES huma validi u li saru biżżejjed sforzi biex ir-regoli tal-ATM ikunu l-aħjar possibbli, liema ħaġa diġà qed tibda tagħti l-frott. Iżda dawn l-iskemi wrew ukoll għadd ta’ dgħufijiet, l-iżjed dovuti għan-nuqqas tal-Istati Membri li jipprovdu linji ċari dwar il-prijoritajiet attwali tagħhom fil-qasam tan-navigazzjoni. Il-prijoritajiet tagħhom ivarjaw minn kwistjonijiet bħall-ħolqien ta’ valur miżjud għall-utenti tal-ispazju tal-ajru sal-massimazzjoni tad-dħul tagħhom mill-operazzjonijiet tal-ajru, kif ukoll l-użu tal-avjazzjoni bħala għodda għall-iżvilupp reġjonali u mikroekonomiku. Għalhekk, il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (air navigation services – ANS) fl-Ewropa għadha turi nuqqasijiet kbar mil-lat tal-effiċjenza u l-kwalità tagħha, iżda ma hemm l-ebda spjegazzjoni ċara dwar din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-istruttura istituzzjonali attwali mhijiex fl-aqwa qagħda possibbli peress li fiha għadd kbir ta’ dupplikazzjonijiet, lakuni u nuqqas ta’ direzzjoni komuni fost id-diversi partijiet interessati. Għalhekk, jeħtieġ li l-qafas istituzzjonali tal-SES jissaħħaħ.

2.6

Is-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) hija l-element teknoloġiku tal-SES. Skont studju mill-Impriża Konġunta SESAR, l-impatt makroekonomiku tas-SESAR jista’ jiġġenera PDG addizzjonali ta’ EUR 418-il biljun għall-ekonomija Ewropea u joħloq mat-320 000 impjieg. L-ikkompletar tal-programm tas-SESAR ser jeħtieġ investimenti kbar mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, li diffiċilment jiġu ġġustifikati sakemm ma jiġix stabbilit redditu aċċettabbli fuq l-investimenti abbażi tal-implimentazzjoni sinkronizzata tal-elementi tal-art u tal-ajru, fosthom l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti. Jeħtieġ li l-qafas istituzzjonali jevolvi biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tas-SESAR tirnexxi; fl-istess ħin, għandhom isiru studji sodi dwar ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji min-naħa tal-partijiet kooperattivi kollha għas-sensiela sħiħa ta’ proġetti ta’ investiment tul il-katina ta’ valur kollha kemm hi tal-avjazzjoni.

2.7

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea tippjana li toħroġ pakkett leġislattiv (SES II+) li jibni fuq l-inizjattivi eżistenti tal-SES u li ser ifittxu li jtejbu iżjed il-kosteffiċjenza, il-kapaċità, is-sikurezza u l-kwalità regolatorja.

2.8

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, l-inizjattiva SES II+ ser ikollha l-għan li:

tagħti spinta lill-prestazzjoni dgħajfa tas-Servizzi tal-ANS billi ġġedded l-FABs, tiżgura l-finanzjament għall-implimentazzjoni tas-SESAR, taġġorna l-iskema għall-iċċarġjar tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, timmodernizza t-teknoloġija billi tikkompleta s-SESAR u tistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni iżjed effiċjenti;

ittejjeb l-istruttura istituzzjonali attwali li mhux qed tiffunzjona tajjeb daqskemm huwa possibbli permezz ta’ għadd ta’ miżuri, fosthom: li r-regolazzjoni ekonomika tiġi kkonċentrata fi ħdan il-Kummissjoni filwaqt li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tkun responsabbli għar-regolazzjoni teknika u s-sorveljanza; li l-Eurocontrol jiġi rikonoxxut bħala korp li jappoġġja l-implimentazzjoni għal dawn l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet nazzjonali; tissaħħaħ il-governanza tal-amministratur tan-netwerks u tiċċara l-oqfsa tal-SES u l-EASA billi tneħħi d-dupplikazzjonijiet u fl-aħħar nett tiżviluppa Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni, li tħaddan l-aspetti kollha involuti fis-sorveljanza tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni – inklużi kwistjonijiet tekniċi, ekonomiċi u dawk relatati mas-sikurezza;

tfassal mill-ġdid l-istrumenti regolatorji f’att konsistenti wieħed;

tistieden lill-Istati Membri jadattaw il-Eurocontrol għall-ambjent istituzzjonali l-ġdid.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu TEN/451 (20/06/20110 u TEN 354/355 (21/01/2009) il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni f’waqtha u komprensiva tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE u l-inizjattivi tas-SESAR. Din il-kwistjoni għandha ġġib magħha sens ikbar ta’ urġenza, peress li bħalissa s-sitwazzjoni ekonomika ta’ ħafna linji tal-ajru Ewropej hija ħażina ħafna.

3.2

Il-KESE jistenna li l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-SES tiġi kkompletata bis-sħiħ, jiġifieri fi ħdan l-ambitu li oriġinarjament intlaħaq ftehim dwaru fl-2004 u l-2009. L-istrumenti legali previsti fir-regolamenti tal-UE għall-Kummissjoni Ewropea huma biżżejjed f’dan ir-rigward.

3.3

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-inizjattiva tal-SES. Jinħtieġ li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrispettaw l-impenji politiċi preċedenti tagħhom li jimplimentaw bis-sħiħ l-SES f’ħin f’waqtu. Huwa wkoll ta’ importanza fundamentali li l-Kummissjoni Ewropea żżomm tmexxija soda u sens ta’ responsabbiltà fil-proċess kollu tal-implimentazzjoni.

3.4

Meta nqisu r-riżultati relattivament dgħajfin tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) wara d-dħul fis-seħħ tal-SES I f’April 2004 u tal-SES II f’Diċembru 2009, il-KESE huwa tal-fehma li r-reviżjoni tal-qafas legali attwali tal-SES m’għandhiex tiffoka jiffoka biss fuq l-iżviluppi istituzzjonali iżda wkoll fuq it-tisħiħ tal-elementi li ġejjin:

komponenti minn fuq għal isfel biex jikkomplementaw l-approċċ minn isfel għal fuq;

preżentazzjoni ċara tal-istrateġiji tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li jistgħu jmorru kontra l-implimentazzjoni tal-SES;

it-tisħiħ tal-implimentazzjoni f’waqtha u sostanzjali tal-SES permezz ta’ sanzjonijiet għan-nonkonformità;

is-separazzjoni obbligatorja tas-servizzi anċillari tal-ATM, permezz tal-ftuħ tagħhom għal kompetizzjoni u forzi tas-suq ikbar;

id-definizzjoni ta’ għanijiet li jimmiraw lejn servizz ta’ kwalità u titjib fl-effiċjenza b’mod indaqs;

sehem ikbar min-naħa tal-utenti tal-ispazju tal-ajru;

parteċipazzjoni iżjed wiesgħa mill-imsieħba soċjali – minbarra sempliċement ir-rappreżentanti tal-ANSP – bħala parti minn djalogu soċjali fi ħdan il-qafas tal-SES II+.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jiddispjaċih li għadd sostanzjali tal-Istati Membri li l-miri kienu indirizzati għalihom naqsu milli jikkonformaw mal-miri ta’ prestazzjoni mingħajr l-ebda konsegwenza legali effettiva. Il-pjani nazzjonali ta’ prestazzjoni li tressqu dan l-aħħar juru li dawn l-Istati Membri taffew il-miri tagħhom terġa’ iżjed. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri joħolqu sinerġiji ikbar fi ħdan l-FABs tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar bejniethom, hemm bżonn ċar ta’ miri ta’ prestazzjoni ambizzjużi flimkien ma’ mekkaniżmu effettiv ta’ sanzjonijiet u strateġiji ċari u mhux ambigwi min-naħa tal-Istati Membri li jiġu appoġġjati mill-armonizzazzjoni meħtieġa tal-liġi f’dan il-qasam fil-livell pan-Ewropew. L-SES għandu jistimula l-iżvilupp tal-istrumenti legali komuni Ewropej meħtieġa (jiġifieri l-liġi ċivili) u approċċ komuni għas-settur Ewropew tad-difiża tal-ajru.

4.2

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jingħataw iżjed setgħat fil-livell tal-UE u tal-FAB biex tingħeleb id-diffikultà attwali marbuta mal-fatt li l-Istati Membri jiffukaw fuq li jipproteġu l-provvedituri nazzjonali tal-ANSPs tagħhom jew jużawhom bħala għodod ekonomiċi nazzjonali pjuttost milli fuq il-ħolqien ta’ valur miżjud għall-utenti u l-klijenti/passiġġieri tal-ispazju tal-ajru. Miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ livell għoli fil-qasam tal-SES għall-2020: fi kliem ieħor, meta nqabblu mas-sitwazzjoni fl-2005, li jkun hemm żieda ikbar bi tliet darbiet, tnaqqis ta’ 10 % fl-impatt ambjentali tat-titjiriet u tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % fl-ispiża tas-servizzi tal-ATM għall-utenti tal-ispazju tal-ajru; il-miri għandhom iwasslu wkoll għad-deframmentazzjoni tal-ispazji nazzjonali tal-ajru.

4.3

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tiġi protetta l-indipendenza tal-ħidma tal-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni (Performance Review Body – PRB). L-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu distinti minn dawk tal-Eurocontrol u jiġu trasferiti lejn korp sħiħ tal-UE taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. L-UE għandha tagħti wkoll rwol iżjed b’saħħtu lill-PRB fil-proċess tal-istabbiliment ta’ miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE u pjani nazzjonali ta’ prestazzjoni. M’għandhiex titkompla r-rappreżentanza eċċessiva min-naħa tal-ANSPs.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet u inċentivi fil-livell tal-UE biex jimpedixxu n-nonkonformià mal-miri ta’ prestazzjoni u jiżguraw li tali miri jibqgħu separati mill-interessi nazzjonali. B’mod partikolari, għandu jkun hemm rabta bejn ir-rata tal-qligħ fuq l-investimenti magħmula mill-ANSP u l-ekwità tal-azzjonisti u l-kisbiet tal-iskema tal-prestazzjoni.

4.5

Il-KESE jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-inizjattiva tal-FAB ma tatx ir-riżultati mistennija u li ma ġietx rispettata d-data tal-għeluq tal-4 ta’ Diċembru 2012 tal-SES II. Għandu jingħata impetu ġdid lill-inizjattivi tal-FAB permezz ta’ iżjed tmexxija minn fuq għal isfel fil-livell tal-UE. Approċċ iżjed minn fuq għal isfel jiżgura li l-FABs jagħtu benefiċċji reali pjuttost milli l-eżerċizzji attwali fejn l-enfasi hija fuq l-apparenzi mentri l-fatti juru mod ieħor. F’dan il-kuntest, l-amministratur tan-netwerks tal-SES għandu jingħata s-setgħa li jipproponi u jimplimenta proġetti speċifiċi mill-FABs biex isir l-aqwa użu mill-governanza tal-FAB u l-ispazju tal-ajru, flimkien mar-riżorsi tekniċi u umani, abbażi ta’ skadenzi ċari. Għandhom jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet f’każi ta’ nonkonformità. L-amministratur tan-netwerks u l-utenti tal-ajru kkonċernati għandhom ukoll jingħataw status ta’ osservaturi fil-korpi prinċipali tal-FAB.

4.6

Il-kontribut tal-Istati Membri għall-Kumitat tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE kien iddominat minn interessi nazzjonali pjuttost milli l-għanijiet tal-UE. L-iżjed deċiżjoni reċenti ta’ dan il-Kumitat dwar l-iskema għall-prestazzjoni u l-iċċarġjar għall-perjodu 2015-2019 tikkostitwixxi intopp ieħor fl-implimentazzjoni tal-SES. Il-KESE jipproponi li kemm l-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll l-ANSPs għandhom jingħataw l-istatus ta’ osservaturi u d-dritt ta’ inizjattiva fl-attivitajiet kollha tal-Kumitat tal-SES.

4.7

Għal darb’oħra, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti ħarsa mill-ġdid lejn is-separazzjoni tas-servizzi anċillari tal-ATM bħala mod kif ikun hemm enfasi ikbar fuq il-konsumatur u titjieb l-effiċjenza. L-istrumenti regolatorji tal-UE għandhom jintużaw biex iħaffu l-proċess tas-separazzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-iskadenza legali tal-4 ta’ Diċembru 2012 biex tħejji u tressaq studju quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jivvaluta l-impatt legali, dak tas-sikurezza, u dak industrijali, u dak ekonomiku u soċjali tal-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq għall-provvediment tal-komunikazzjoni, in-navigazzjoni, is-sorveljanza u s-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ajrunawtika, fid-dawl tal-iżviluppi fil-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali u fit-teknoloġija disponibbli.

4.8

Il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni dwar l-SES II + għandha tindirizza s-separazzjoni bejn l-ANSPs bażiċi separati u s-servizzi anċillari bħas-CNS, id-Dipartiment tal-Meteoroloġija (MET) u t-taħriġ, u tiftaħ is-suq għalihom, liema ħaġa tista’ twassal għal żieda fl-effiċjenza, kwalità ogħla u tnaqqis globali fl-ispejjeż. Il-KESE josserva li l-importanza li s-servizzi anċillari jiġu liberalizzati iżjed ġiet enfasizzata wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt tal-leġislazzjoni dwar l-SES II + u l-Konferenza ta’ Livell Għoli dwar l-SES li saret f’Limassol. Għalkemm il-leġislazzjoni attwali tipprevedi separazzjoni fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri xorta waħda joqogħdu lura milli jużaw din l-għodda biex iżidu l-prestazzjoni. Safejn hu possibbli, il-forniment ta’ servizzi relatati mas-CNS u l-MET għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-proċeduri relatati mas-sejħiet għall-offerti. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq ma għandhomx ikun kkombinati ma’ mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni (designation mechanism) fl-istess suq, inkella dan tal-aħħar jiddomina. Għandhom jiġu pprojbiti s-sussidji inkroċjati lokali u sostanzjali kollha.

4.9

Il-kunċett il-ġdid tal-Eurocontrol ta’ servizzi ċentralizzati għandu jingħata l-konsiderazzjoni meħtieġa, bil-kundizzjoni li dawn is-servizzi jkunu bbażati fuq każijiet aċċettabbli ta’ negozju li ġew approvati mill-partijiet interessati operattivi (il-linji tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti), u fuq sejħiet miftuħa għall-offerti bil-għan li jingħataw kuntratti għal terminu fiss lil dawk il-kumpaniji li għamlu l-aħjar offerta.

4.10

Il-KESE jenfasizza l-fatt li d-deframmentazzjoni tal-faċilitajiet tal-ANS tista’ tkun possibbli permezz tal-użu ta’ ċentri ta’ konsolidazzjoni. Il-kunċett hekk imsejjaħ “Ċentru Virtwali” jista’ jirrappreżenta punt tat-tluq siewi. Dan l-approċċ jipprevedi l-użu ta’ metodi standardizzati bis-sħiħ ta’ unitajiet tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru li joperaw minn postijiet differenti li jużaw metodi ta’ operazzjoni standardizzati bis-sħiħ u adattabbli, u proċeduri u tagħmir b’mod li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jikkunsidrawhom bħala sistema waħda. Dan l-effett jidher biċ-ċar ukoll fl-użu attwali tal-programmi tal-SES, bħas-SERA u s-SESAR. Dawn l-arranġamenti jappoġġjaw interoperabbiltà teknika u operazzjonali sħiħa fost l-ANSPs parteċipanti, li, min-naħa tagħhom, jagħmluha possibbli li setturi allokati f’unità speċifika jiġu trasferiti temporanjament taħt ir-responsabbiltà operazzjonali ta’ unità oħra. B’hekk, ikun possibbli li jsir l-aqwa użu possibbli miċ-ċentri ta’ kontroll tal-erja (ACCs) awl il-lejl, u li tiġi żgurata l-aqwa prestazzjoni possibbli fi kwalunkwe perjodu.

4.11

Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni dwar l-SES II+ għandha tipprovdi qafas regolatorju adatt li jmexxi u jiggwida l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-istandardizzazzjoni b’mod konsistenti u koerenti. Għandu jiġi stabbilit korp komuni tat-tmexxija fi ħdan l-FABs sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u kkoordinata. Il-miżuri tal-istandardizzazzjoni jirrappreżentaw mezzi realistiċi u effettivi biex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-UE.

4.12

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani tal-Kummissjoni li żżid il-kompiti u s-setgħat tal-Amministratur tan-Netwerk tal-SES. F’dan il-kuntest, ser ikun essenzjali li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jitħallew jipparteċipaw f’deċiżjonijiet strateġiċi li jolqtu lill-prestazzjoni tan-netwerk u jagħtu rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni lokali lill-ANSPs.

4.13

Il-KESE jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana li tespandi l-ambitu tal-EASA sabiex tittratta r-regolamentazzjoni teknika u s-sorveljanza kollha, inklużi l-oqsma mhux relatati mas-sikurezza. Il-KESE jaqbel li dan jista’ jkun l-approċċ ġust iżda jesprimi tħassib li, anke bl-appoġġ tal-kunċett tal-prijoritajiet abbażi tar-riskji, jekk l-EASA titgħabba żżejjed b’kompiti ġodda, jistgħu jinħolqu iżjed problemi milli benefiċċji billi l-attenzjoni tal-aġenżija ma tibqax iffukata fuq il-missjoni ċentrali tagħha ta’ sikurezza. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-espansjoni tal-kamp ta’ attività tal-EASA m’għandhiex tkun prijorità f’dan il-perjodu. Minflok, il-KESE huwa tal-fehma li d-dupplikazzjonijiet potenzjali bejn l-oqfsa tal-EASA u l-SES jistgħu jiiġu solvuti permezz ta’ mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni bejn l-EASA, il-Eurocontrol u l-Kummissjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn neċessarjament ta’ tibdil fil-qafas istituzzjonali.

4.14

Ir-rwol tal-Eurocontrol fl-implimentazzjoni operazzjonali tal-SES huwa importanti ħafna. Sabiex tiġi żgurata l-prestazzjoni effiċjenti futura tas-servizzi ċentralizzati bħal dawk ipprovduti mill-Amministratur tan-Netwerk, tinħtieġ reviżjoni tal-konvenzjoni tal-Eurocontrol.

4.15

Rigward is-SESAR, il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm biżżejjed fondi pubbliċi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni sinkronizzata tal-elementi tal-art u tal-ajru. Barra minn hekk, l-investituri operazzjonali (l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ANSPs u l-ajruporti) għandhom jingħataw rwol prominenti fil-governanza tal-implimentazzjoni tas-SESAR huma u jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet, fuq il-bażi ta’ każi ċari ta’ intraprenditorija. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tas-SESAR bħala proġett Ewropew ta’ infrastruttura prinċipali. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis fil-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, liema ħaġa tista’ tinfluwenza l-possibbiltà li din l-implimentazzjoni timxi ’l quddiem. Huwa wkoll tal-ikbar importanza li jitfasslu l-mudelli potenzjali għall-finanzjament futur tal-implimentazzjoni militari tas-SESAR.

4.16

Il-KESE ma jappoġġjax il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi introdotta l-modulazzjoni tal-prezzijiet għar-rotot soġġetti għall-konġestjoni. Dan fil-fatt ma jwassalx għal titjib fl-użu tal-kapaċità tal-ispazju tal-ajru; barra minn hekk, peress li l-introduzzjoni tal-modulazzjoni tista’ ġġiegħel lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jtiru fuq rotot itwal, hija tmur ukoll kontra l-għanijiet tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala mezz għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, tali sistema tkun inġusta peress li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru diġà jbatu l-konsegwenzi tal-konġestjoni minħabba l-ispejjeż indiretti relatati mad-dewmien. Tali approċċ iwassal għal sanzjoni doppja li tkun totalment inaċċettabbli, l-iżjed minħabba li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw il-ħlasijiet relatati mar-rotot biex jiffinanzjaw il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, liema ħaġa fl-aħħar mill-aħħar għandha tnaqqas il-konġestjoni.

4.17

Minflok, il-KESE huwa tal-fehma li l-modulazzjoni tal-prezzijiet għandha tiffoka fuq li timmotiva l-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jixtru t-tagħmir meħtieġ biex itejbu l-prestazzjoni globali tas-Sistema għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru. Dan jista’ jinkiseb billi l-fondi pubbliċi jintużaw biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-utenti għal dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jinvestu kmieni fit-teknoloġiji tas-SESAR. Dan l-approċċ jista’ mbagħad ikun akkumpanjat minn miżuri addizzjonali bħall-kunċett “Best Equipped, Best Served” li huwa appoġġjat bis-sħiħ mill-KESE.

5.   Id-djalogu soċjali

5.1

L-industrija Ewropea tal-linji tal-ajru qiegħda f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli ħafna, li diġà kkawżat it-telf ta’ eluf ta’ impjiegi. Għalhekk, l-implimentazzjoni tal-SES u ż-żieda fl-effiċjenza tiegħu huma importanti wkoll biex jitħarsu l-impjiegi f’din il-parti tal-katina ta’ valur tal-avjazzjoni. Il-ħames pilastru tal-SES hawnhekk huwa fundamentali sabiex l-isfidi dwar l-impjiegi, il-mobilità tal-ħaddiema, il-bidliet fil-ġestjoni tal-persunal u t-taħriġ professjonali jiġu indirizzati b’mod adegwat. Għaldaqstant, id-djalogu soċjali għandu jissaħħaħ u jħares lil hinn minn sempliċement is-settur tal-ATM u jkopri wkoll il-parteċipazzjoni ta’ msieħba soċjali oħrajn apparti r-rappreżentanti tal-ANSP, u għandu jwessa’ l-ambitu tiegħu biex jiġu diskussi l-konsegwenzi soċjali għall-ħaddiema fis-settur tal-ATM, tal-linji tal-ajru, tal-ajruporti u l-modi kif jitħarsu l-impjiegi fl-industrija usa’ tal-avjazzjoni fil-livell tal-UE.

5.2

Il-KESE jemmen bil-qawwa li jinħtieġ djalogu soċjali effettiv biex jgħin fil-proċess tat-tranżizzjoni. Jekk il-membri tal-persunal ma jkunux involuti bis-sħiħ f’din it-tranżizzjoni, ir-riskju ta’ falliment jiżdied b’mod sostanzjali. B’mod partikolari, teknoloġiji ġodda u kunċetti operazzjonali żviluppati mis-SESAR għandhom jibdlu r-rwol tradizzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, li jibdew jaġixxu bħala amministraturi tat-traffiku tal-ajru.

5.3

Huwa importanti li d-djalogu soċjali fi ħdan il-qafas tal-SES jirrifletti l-preokkupazzjonijiet tal-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni. Għalhekk, id-dominanza attwali tar-rappreżentanti tal-ANSPs mhijiex ġustifikata, u hemm il-periklu li tkompli tiddiskrimina kontra atturi importanti oħrajn fl-industrija.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/14


OPINJONI tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tessuti tekniċi: mutur tat-tkabbir (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 198/03

Relatur: is-Sinjura Butaud-Stubbs

Korelatur: is-Sinjura Niestroy

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

It-tessuti tekniċi: mutur tat-tkabbir

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur, u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-settur tat-tessuti tekniċi rreġistra xejriet ekonomiċi u ta’ impjieg pożittivi fl-UE u huwa eżempju ta’ “settur tradizzjonali” li kien kapaċi “jerġa’ jissawwar” fuq mudell tan-negozju ġdid b’adattament sħiħ għall-bżonnijiet tar-rivoluzzjoni l-ġdida industrijali (aktar intelliġenti, aktar inklużiva u aktar sostenibbli).

1.2

Il-materjali u t-teknoloġiji tat-tessuti huma innovazzjonijiet ewlenin li jistgħu jagħtu rispons għal varjetà kbira ħafna ta’ sfidi tas-soċjetà. It-tessuti tekniċi jagħmlu possibbli l-implimentazzjoni f’industriji oħrajn billi jipproponu u joffru:

materjali alternattivi: ta’ piż ħafif, flessibbli, rotob, (multi)funzjonali, iservu fit-tul;

teknoloġiji ġodda: flessibbli, kontinwi, versatili;

komponenti funzjonali, li tista’ sserraħ fuqhom, multifunzjonali, kosteffikaċi, partijiet faċli għall-utent u li jiffurmaw parti minn sistemi u soluzzjonijiet teknoloġiċi akbar.

1.3

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew għall-fatturi ewlenin tas-suċċess li għandhom jiġu inkoraġġuti sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir f’dan is-settur promettenti:

biex jiddaħħlu mezzi sempliċi u effiċjenti, fil-livelli nazzjonali u tal-UE, u li jimmiraw lejn l-inkoraġġiment u l-iffinanzjar tal-innovazzjoni teknoloġika u dik li mhix teknoloġika;

biex jiġu appoġġjati dawk l-isforzi kollha meħtieġa li jgħinu lill-forza tax-xogħol biex taġġorna l-kwalifiki tagħha u tadatta ħilietha għas-swieq li qed jikbru (saħħa, kostruzzjoni, trasport, kosmetiċi ...);

biex jiddaħħal komponent dwar it-tessuti fil-programmi rilevanti tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp, bil-mira li titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ materjali tradizzjonali bħall-azzar u s-siment b’materjali tessili aktar sostenibbli, u biex tissaħħaħ ir-riċerka dwar ir-riċiklaġġ ta’ dawn il-materjali kif ukoll ir-riċerka fil-qasam tal-“ekonomija tad-diossidu tal-karbonju (CO2)” (CO2 bħala riżorsa) li qed jevolvi;

biex jitqies l-effett ta’ kwalunkwe żieda fil-prezz tal-enerġija fuq il-kumpaniji li jużaw livelli għolja ta’ enerġija fl-UE li joperaw, pereżempju, fil-manifattura ta’ tessuti mhux minsuġa u ta’ kompożiti;

biex jingħata appoġġ lill-industrija fit-twettiq tal-valutazzjonijiet dwar iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tintwera s-sostenibbiltà ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

2.   Is-settur tat-tessuti tekniċi fl-UE

2.1   Definizzjoni tas-settur u tas-swieq prinċipali

2.1.1   It-tessuti tekniċi huma definiti bħala fibri, materjali, u materjali li jservu ta’ appoġġ magħmula mit-tessuti u li jissodisfaw kriterji tekniċi pjuttost milli estetiċi, anke jekk, għal ċerti swieq bħal dawk tal-ilbies u tat-tagħmir tal-isport, jiltlaħqu ż-żewġ kriterji.

It-tessuti tekniċi jipprovdu rispons funzjonali għal firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti speċifiċi: ħeffa, reżistenza, rinfurzar, filtrazzjoni, reżistenza għan-nar, konduttività, insulazzjoni, flessibiltà, assorbiment u aktar.

Bis-saħħa tan-natura tal-fibri (poliester, polipropilene, viscose, qoton, karbonju, ħġieġ, aramid, eċċ.), kif ukoll l-għażla tal-aktar tekniki rilevanti tal-manifattura (għażil, insiġ, immaljar, nitting, mhux minsuġa …) inklużi l-proċessi ta’ finitura (żbigħ, stampar, kisi, laminar), il-produtturi tat-tessuti tekniċi huma kapaċi joffru soluzzjonijiet b’tessuti li jkollhom il-karatteristiċi mekkaniċi, sostitwenti jew protettivi adattati għall-bżonnijiet speċjali tal-utenti aħħarija.

Għaldaqstant, id-definizzjoni ma tiddependix mill-materja prima, mill-fibra jew mit-teknoloġija użata, imma mill-użu aħħari tal-prodott innifsu.

Messe Frankfurt, li hija fuq quddiemnett fid-dinja fil-qasam tal-fieri kummerċjali tat-tessuti tekniċi bil-fiera “Techtextil” identifikat 12-il suq prinċipali (1):

Fil-fatt it-tessuti tekniċi huma parti minn qasam usa’ li David Rigby Associates issejjaħ “l-inġinerija ta’ materjali flessibli” (2), inklużi fowm, riti (films), trabijiet, reżini u plastik. Huma wkoll komponent ewlieni tal-kompożiti li jistgħu jiġu definiti bħala għaqda ta’ żewġ materjali jew aktar u li jkunu jvarjaw fil-forma jew l-kompożizzjoni tagħhom flimkien ma’, b’mod ġenerali, matriċi li tista’ tkun bil-fibri, u ma’ raffurzar b’saħħtu aktar mill-matriċi.

2.2   Fatti u ċifri

2.2.1   L-industrija tal-UE tat-tessuti u l-ilbies

Skont l-aħħar estimi tal-EURATEX, fl-2011 l-industrija tal-UE tat-tessuti u l-ilbies laħqet valur tal-bejgħ ta’ EUR 171,2 biljun grazzi għal kważi 187 000 negozju tagħha li jimpjegaw aktar minn 1,8 miljun ħaddiem. In-numru tal-kumpaniji huwa pjuttost żgħir (tessuti: 13, ilbies: 9, total: 10) u dan jispjega għalfejn jinnegozjaw prinċipalment fi ħdan is-suq intern filwaqt li l-esportazzjoni Komunitarja barra mill-Unjoni laħqet EUR 38,7 biljun jew 22,6 % tal-bejgħ globali.

2011

Konsum domestiku

(EUR bn)

Valur tal-bejgħ

(EUR bn)

Kumpaniji

(.000)

Impjiegi

(.000 pers.)

Importazzjoni minn barra l-UE

(bn)

Esportazzjoni barra l-UE

(bn)

Bilanċ tal-kummerċ

(EUR bn)

Ilbies

304,0

77,5

131,4

1 117,9

67,7

18,4

-49,32

Tessuti

166,5

93,9

55,5

716,4

25,4

20,3

-5,06

TOTAL

470,5

171,4

186,9

1 834,3

93,1

38,7

–54,37

Sors: Data tal-membri u tal-EUROSTAT riveduta mill-EURATEX – 2011.

2.2.2   Is-settur tal-UE tat-tessuti tekniċi

Fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-settur tat-tessuti, il-KESE irrefera għat-tessuti tekniċi bħala wieħed mill-oqsma t’attivita promettenti għall-kumpaniji tat-tessuti Ewropej, speċjalment għall-SMEs. L-industrija tal-UE diġà għandha rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp tat-tessuti tekniċi (3). Minħabba l-kapaċità kbira tagħha tal-innovazzjoni, din l-industrija toffri potenzjal għal impjieg dirett u indirett u għat-tkabbir fl-UE.

2.2.2.1   Sottosettur tat-tessuti

Skont il-EURATEX, l-industrija tat-tessuti tekniċi fl-UE tirrappreżenta madwar 30 % tal-valur tal-bejgħ totali tat-tessuti (eskluż l-ilbies), jiġifieri 30 biljun (dan is-sehem tas-suq jista’ jkun akbar f’xi Stati Membri bħall-Ġermanja: 50 %, l-Awstrija: 45 %, jew Franza: 40 %), 15 000 kumpanija u 300 000 impjegat. Xi analisti jikkunsidraw li għandhom jingħaddu wkoll partijiet oħra mill-industriji tal-UE: parti mill-industrija tal-makkinarju tat-tessuti kif ukoll il-parti “tessili” tal-attivitajiet ta’ manifattura f’setturi oħrajn bħal dawk tat-tajers jew tal-ilqugħ mal-ġnub tat-toroq jew il-binjiet bil-ġeotessuti. Minħabba dan, id-daqs tal-industrija tat-tessuti tekniċi tal-UE kollha kemm hi tista’ tkun saħansitra akbar (u tlaħħaq EUR 50 biljun).

2.2.2.2   L-UE fil-konsum dinji tal-fibri

Mad-dinja kollha, l-iżvilupp tal-produzzjoni tat-tessuti tekniċi jidher mill-konsum tal-fibri. Fl-2010, il-produzzjoni tat-tessuti tekniċi kkonsmat madwar 22 biljun tunnellata metrika ta’ fibri, li jirrapreżentaw 27,5 % tal-ammont totali ta’ 80 biljun tunnellata metrika ikkonsmati fl-applikazzjonijiet kollha tat-tessuti u l-ilbies. Skont l-evalwazzjoni mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-fibri magħmula mill-bniedem (European Association for man-made fibres - CIRFS), l-Ewropa hija responsabbli għal madwar 15 % tal-konsum globali ta’ tessuti tekniċi.

 

Konsum ta’ fibri

(000 tunnellata metrika)

UE

3 437

L-Amerikas

4 111

Iċ-Ċina

7 100

L-Indja

4 020

Bqija tad-Dinja

3 812

Fid-dinja kollha

21 880

Sors: CIRFS, Edana, JEC.

Is-sehem tas-suq tal-UE f’termini ta’ valur huwa importanti: dan ivarja bejn 20 % u 33 % tas-sottosegmenti prinċipali tas-suq dinji ta’ tessuti tekniċi inklużi tessuti mhux minsuġa u kompożiti, b’valur ta’ USD 230 biljun.

STRUTTURA TAS-SUQ DINJI TAT-TESSUTI TEKNIĊI - 2011

2011

Mt

Biljun USD

Sehem tal-UE

Rata tat-tkabbir

Tessuti tekniċi

25,0

133

20 %

+3,0 %

Tessuti mhux minsuġa

7,6

26

25 %

+6,9 %

Kompożiti

8,0

94

33 %

+6,0 %

Total

40,6

253

 

 

Sors: INDA, Freedonia Group, IFAI, JEC

2.2.2.3   L-esportazzjoni tat-tessuti tekniċi mill-UE-27 madwar id-dinja fl-2011

Huwa minnu li l-akbar 5 esportaturi tat-tessuti tekniċi (DE, IT, FR, UK, BE) jirrapreżentaw 60 % tal-esportazzjoni totali mill-Istati Membri lejn il-bqija tad-dinja. Madankollu, l-Istati Membri li għalihom it-tessuti tekniċi jirrapreżentaw l-akbar sehem fl-esportazzjoni tat-tessuti tagħhom (eskluż l-ilbies) huma l-Finlandja, id-Danimarka, l-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija (Ara Appendiċi 1: Is-sehem tat-tessuti tekniċi fl-esportazzjoni tat-tessuti lejn id-dinja fl-2011 skont l-Istat Membru).

2.2.3   Xejriet riċenti fl-industrija tat-tessuti tekniċi tal-UE

2.2.3.1   It-tkabbir fit-tessuti mhux minsuġa u fil-kompożiti

Fl-aħħar deċennju, is-settur kiber bi 22 % kif muri fil-grafika segwenti li tirrapreżenta l-iżvilupp fil-konsum tal-fibri f’termini ta’ użu (eskluż il-fibreglass).

Image

Is-settur tat-tessuti tekniċi għaddej minn tibdil industrijali sinifikanti bl-importanza dejjem tikber ta’ applikazzjonijiet ġodda (mediċina, sport u rikreazzjoni, aeronawtika, ambjent), u bidla radikali minn teknoloġiji tradizzjonali (nitting, insiġ, immaljar eċċ) għal dawk aktar riċenti (bħat-teknoloġiji tal-kompożiti u tat-tessuti mhux minsuġa).

It-tkabbir fl-Ewropa huwa mmexxi minn żewġ teknoloġiji:

tat-tessuti mhux minsuġa b’rata tat-tkabbir ta’ 60 % matul dan l-aħħar deċennju,

tal-kompożiti b’rata tat-tkabbir ta’ 75 % matul dan l-aħħar deċennju.

2.2.3.2   Pożizzjoni ewlenija fi tliet swieq

“L-akbar tliet oqsma ta’ applikazzjonijiet fl-Ewropa kienu jirrapreżentaw ukoll ’l fuq minn 50 % tal-konsum totali imma f’dan il-każ l-oqsma kienu Mobiltech, Hometech u Indutech.” (David Rigby Associates (4))

2.2.3.3   Sħubija Euromed

L-industrija tal-UE tat-tessuti u tal-ilbies żviluppat sħubija industrijali b’suċċess mal-pajjiżi tal-Euromed bħall-Marokk, it-Tuneżija, l-Eġittu fis-settur tal-investiment fil-moda. Għalhekk, fil-futur se jkun hemm l-opportunità għall-promozzjoni ta’ investimenti tal-UE f’xi wħud mis-swieq tat-tessuti tekniċi li huma aktar maturi, fihom livell ta’ teknoloġija aktar baxx, u huma sensittivi aktar għall-pressjoni mill-Asja fuq il-prezzijiet.

F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni fit-Turkija għandha titqies separatament. It-Turkija hija attur ewlieni fis-settur tal-investiment fil-moda tal-Euromed u l-industrija tat-tessuti tagħha hija integrata u b’saħħitha, mill-materja prima (qoton u fibri sintetiċi) sal-ħwejjeġ jew it-tessuti għad-djar. In-numru ta’ kumpanji Torok li huma attivi fis-swieq tat-tessuti tekniċi qed jikber (minn 10 % għal 15 %) u l-konsum domestiku huwa dinamiku.

2.2.3.4   Settur li għandu kapaċità kbira ta’ innovazzjoni

Riċerka riċenti fil-Ġermanja kkonfermat li l-kumpaniji tat-tessuti tekniċi, li huma parti minn din il-fergħa transsettorjali li tforni l-materjal lil diversi segmenti industrijali, għandhom kapaċità kbira ta’ innovazzjoni u dawn jiksbu aktar minn 25 % tal-valur tal-bejgħ tagħhom minn prodotti innovattivi ġodda, waqt li huma it-tielet fil-klassifika wara l-industrija awtomobilisitka u dik tal-elettronika. (Sors: preżentazzjoni tas-Sur Huneke matul l-ewwel Konvenzjoni tal-EURATEX, f’Istanbul).

Image

2.3   Analiżi SWOT: (Qawwiet, Dgħufijiet, Opportunitajiet, u Perikli)

2.3.1   Qawwiet u dgħufijiet

2.3.1.1   Qawwiet:

livell dejjem jikber ta’ riċerka u żvilupp u ta’ innovazzjoni fi ħdan il-kumpaniji, irrispettivament mid-daqs tagħhom;

għodod kollettivi u effiċjenti biex jappoġġjaw l-innovazzjoni fuq livell nazzjonali (clusters tat-tessuti, ċentri tar-riċerka u żvilupp ...) partikolarment fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Belġju, fl-Italja, fi Spanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja;

għodod kollettivi u effiċjenti fil-livell tal-UE: il-pjattaforma għat-teknoloġija tat-tessuti u l-ilbies b’għadd kbir ta’ proġetti ta’ kollaborazzjoni li wasslu għall-influwenza reċiproka bejn is-swieq t’applikazzjoni, il-kumpaniji tat-tessuti u r-riċerkaturi; netwerk Ewropew li jinvolvi l-istituti prinċipali tat-teknoloġija tat-tessuti (Textranet), netwerks universitarji (AUTEX) kif ukoll netwerk li jinvolvi r-reġjuni prinċipali tat-tessuti innovattivi;

mexxejja tal-UE fi swieq li qed jikbru (pereżempju Freudenberg, jew Fiberweb għat-tessuti mhux minsuġa);

pożizzjoni tal-UE fuq quddiemnett fil-manifattura tal-makkinarju tat-tessuti b’75 % tas-suq globali;

id-diversità tal-utenti aħħarija li hija assi matul perjodu ta’ tkabbir limitat;

inkoraġġiment qawwi għat-tagħmir għall-protezzjoni personali li huwa meqjus mill-KE bħala wieħed mis-sitt swieq ewlenin;

b’mod ġenerali, proporzjonijiet finanzjarji aħjar mill-kumpaniji l-oħra tat-tessuti u tal-ilbies (aktar valur miżjud għal kull impjegat, fluss tal-flus ogħla, livell tal-marġni ogħla …);

kontroll tal-fiera kummerċjali li hija l-akbar fid-dinja (Techtextil).

2.3.1.2   Opportunitajiet:

bżonnijiet tal-utenti aħħarija dejjem jikbru fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tessili: soluzzjonijiet ta’ kumdità u ta’ monitoraġġ għal stil ta’ ħajja attiva, tnaqqis fil-livell ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport (permezz ta’ tnaqqis fit-toqol) u fil-kostruzzjoni (permezz tal-iżolament termiku), titjib fit-teknoloġija medika (prevenzjoni tal-infezzjonijiet li jittieħdu mill-isptar, impjanti (implants), monitoraġġ tas-saħħa) …;

kooperazzjoni mill-qrib bejn il-produtturi u l-klijenti sabiex jiġu trattati bżonnijiet speċifiċi ħafna (“soluzzjonijiet imfassla apposta”) u innovazzjoni mmexxija mid-domanda;

domanda li qed tikber għat-titjib fir-riċiklabbilità, bħal pereżempju fis-sostituzzjoni tal-fowm bit-tessuti mhux minsuġa, materjali kompożiti u fil-filtri tal-arja tal-kabina ġewwa l-vetturi;

tkabbir rapidu fir-rata tal-konsum tat-tessuti tekniċi għal kull persuna madwar id-dinja kollha u speċjalment fiċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

Image

2.3.2   Dgħufijiet u perikli

2.3.2.1   Dgħufijiet:

kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju b’kapaċità limitata għall-investiment;

aċċess aktar diffiċli għall-kreditu;

industrija tat-tessuti inqas attraenti għall-gradwati żgħażagħ;

tnaqqis fil-produzzjoni tal-fibri naturali u dawk magħmula mill-bniedem fl-UE, li jwassal għal diffikultajiet fl-innovazzjoni minħabba n-numru żgħir ta’ gradi tal-fibri disponibbli u r-riskju dejjem jikber ta’ dipendenzi mill-importazzjoni;

bħalissa r-riċiklabbiltà tat-tessuti tekniċi hija baxxa meta mqabbla ma’ materjali tradizzjonali;

industrija li tuża livelli għolja ta’ enerġija;

speċjalizzazzjoni fi swieq ta’ applikazzjoni li huma maturi, bħalma huma Mobiltech (bil-qagħda kritika tal-industrija tal-UE tal-manifattura tal-karozzi) jew Hometech partikolarment għat-twapet, għad-drappijiet tat-tagħmir u għas-saqqijiet.

2.3.2.2   Perikli:

skarsezza tal-materja prima u żieda fil-prezzijiet (prinċipalment tal-fibri sintetiċi, riġenerati jew inorganiċi, polimeri, ħjut magħżula jew ħjut tal-filamenti);

żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (gass u elettriku) fl-UE li tista’ twassal għal rilokazzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni fl-Istati Uniti jew fl-Asja fil-każ tal-produtturi li jużaw livelli aktar għolja ta’ enerġija (fibri magħmula mill-bniedem, tessuti mhux minsuġa, għoti tal-kulur (dyers) u tlestija (finishers) ...);

żieda fil-kompetizzjoni mill-pajjiżi emerġenti u zieda fl-ostakli għall-aċċess għas-suq f’dawk il-pajjizi. L-Asja hija diġà l-ewwel reġjun ta’ produzzjoni li fl-2010, f’termini ta’ tunnellaġġ, żied il-valur tal-produzzjoni tiegħu b’2,6 drabi;

pressjoni fuq il-prezzijiet li qed tikber, partikolarment fis-swieq maturi;

żieda fir-riskju ta’ falsifikazzjoni u ta’ kopji.

3.   Il-kontribut ta’ dan is-settur dinamiku għall-isfidi tal-Istrateġija 2020

3.1   Tkabbir intelliġenti

It-tkabbir intelliġenti se jkun ibbażat fuq industrija tal-UE aktar innovattiva li tagħmel użu aktar effiċjenti tal-enerġija, tal-materjali ġodda, tal-appoġġ tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u bbażat fuq il-kompetittività min-naħa tal-kumpaniji, inklużi l-SMEs.

Is-settur tat-tessuti tekniċi jista’ jikkontribwixxi b’mod proporzjonali għal dan it-tkabbir intelliġenti f’diversi modi:

bil-promozzjoni tal-aħjar prattiki ta’ transferiment tat-teknoloġiji minn settur għall-ieħor (influwenza reċiproka);

bit-twettiq ta’ sforzi biex tiżdied l-effiċjenza tal-użu tal-enerġija fil-produzzjoni;

bl-abbiltà biex jiġu kombinati l-innovazzjoni teknoloġika u dik li mhix teknoloġika: ċinturin lumbari għandu jkun effiċjenti imma ddisinjat b’mod sabiħ għall-pazjent ukoll;

bil-kapaċità li jħeġġeġ il-kreattività fit-tfassil, fl-użu u t-tmiem tal-ħajja tal-prodotti jew fil-materjali;

bl-esperjenza mit-titjib fil-kwalifiki tal-impjegati sabiex jintrebħu swieq ġodda;

bit-tixrid tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum bis-saħħa tat-tessuti intelliġenti li huma tessuti li jikkomunikaw mal-ambjent tagħhom: pereżempju l-“ilbies intelliġenti” għal persuni xjuħ li jippermetti l-monitoraġġ u t-trażmissjoni ta’ data fiżjoloġika kritika lill-isptarijiet jgħinhom jibqgħu fi djarhom.

3.2   Tkabbir inklużiv

Fil-passat reċenti, is-settur tat-tessuti tekniċi tal-UE wera ritmu pożittiv għall-ħolqien tal-impjiegi f’bosta Stati Membri li diġà għandhom xi każi ta’ nuqqas ta’ xogħol u ta’ ħiliet li jrid jiġi indirizzat.

It-tkabbir inklużiv fl-UE isostni u jiżviluppa l-mudell soċjali tagħna li huwa bbażat fuq livell għoli ta’ standards, tradizzjoni ta’ benesseri soċjali u tradizzjoni b’saħħitha ta’ djalogu soċjali. L-industriji, it-territorji u l-persuni vulnerabbli għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-politiki tal-UE u fil-livell nazzjonali sabiex jiżguraw li jibbenefikaw mit-tkabbir ekonomiku, mill-progress teknoloġiku u mill-innovazzjoni fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Is-settur tat-tessuti tekniċi jista’ jikkontribwixxi fil-livell tiegħu f’ħafna modi għal dan it-tkabbir inklużiv:

il-kapaċità li jpoġġi fuq is-suq oġġetti u servizzi adegwati u innovattivi għall-persuni b’diżabilitajiet, morda jew xjuħ: ħwejjeġ imfassla apposta, ħwejjeġ li jgħinu biex ma taqax (anti-fall), tagħmir speċifiku għall-isports u r-rikreazzjoni;

il-kapaċità, permezz tal-adattament, biex iwassal soluzzjonijiet għat-tibdil demografiku u soċjali li joħloq domanda akbar għal prodotti u servizzi aktar sofistikati u personalizzati (ara xi eżempji tal-proġett Prosumer.net – Inizjattiva Ewropea għar-Riċerka tal-Oġġetti tal-Konsumatur (European Consumer Goods Research Initiative).

3.3   It-tkabbir sostenibbli

It-tkabbir sostenibbli fl-UE jfisser ekonomija li tagħmel użu effiċjenti tal-enerġija u tar-riżorsi bil-kapaċità li żżomm l-impenji tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iskarsezza li ġejja tar-riżorsi. Din tal-ewwel normalment tissejjaħ “ekonomija b’użu baxx ta’ karbonju”, b’referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Madankollu, is-settur tat-tessuti tekniċi juri wieħed mill-ewwel eżempji ta’ pass potenzjali lejn ekonomija bil-karbonju bħala riżorsa.

Is-settur tat-tessuti tekniċi jista’ jikkontribwixxi b’mod proporzjonali għal tkabbir intelliġenti f’diversi modi:

billi jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 bis-saħħa ta’ materjali eħfef fit-trasport (kompożiti għall-aeronawtika u fibri tal-karbonju għall-karozzi);

billi joffri soluzzjonijiet tessili konkreti, pereżempju fil-qasam tal-filtrazzjoni, ir-rinfurzar, u l-insulazzjoni sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-akkomodazzjoni u tal-bini;

billi jirriċikla il-PET (polietilentereftalat) mill-flixken tal-plastik għall-produzzjoni tal-poliester.

Il-kumpaniji tal-UE għandhom jiġu mħeġġa jieħdu passi potenzjali għall-użu tal-marki sostenibbli għat-tessuti tekniċi billi:

jikkusidraw l-ekodisinn fit-tfassil tal-prodotti u tal-mezzi ta’ produzzjoni;

iwettqu l-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) tal-prodotti tagħhom li se jkollhom rwol importanti dejjem jikber fil-futur għax sal-lum huwa rħas biex tirriċikla l-materjali tradizzjonali bħall-metall.

Hemm tliet kwistjonijiet pendenti li huma marbuta mal-fibri tal-karbonju:

l-ewwel, li tiġi żviluppata, bil-quddiem qabel tintemm l-era tal-żejt mhux maħdum, fibra tal-karbonju bbażata fuq il-fibri naturali (5) u riċiklabbli fl-UE;

it-tieni, li jiġu żviluppati metodi għar-riċiklaġġ li jippermetti r-riċiklaġġ totali tat-tessuti li fihom drappijiet imħallta (80 – 90 %);

it-tielet, li hija kwistjoni ta’ natura aktar ambizzjuża, li jingħata appoġġ lill-industrija u lill-komunità xjentifika fl-iżvilupp ta’ proċessi adegwati għall-użu tal-karbonju mis-CO2 bħala riżorsa, pereżempju permezz tat-trasformazzjoni bil-fotosinteżi aċċellerata jew approċċi oħra. Diġà twettqet riċerka fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet oħrajn, però din għandha tiġi intensifikata (“lejn ekonomija tas-CO2 (6)).

[Ara fl-Appendiċi 2 tqabbil kwalitattiv tal-impatti ambjentali mill-materjali tradizzjonali kontra dawk mit-tessuti tekniċi fi tliet eżempji.]

4.   Il-fatturi ta’ suċċess ewlenin li għandhom jiġu inkoraġġiti fil-livell tal-UE

4.1   Naġġornaw u ngħaddu l-ħiliet u l-għarfien lill-oħrajn

4.1.1   Ir-rwol tal-edukazzjoni huwa kruċjali għall-iżvilupp ta’ dan is-settur: universitajiet, skejjel tal-inġinerija fit-tessuti, fil-plastik, materjali flessibbli, u oħrajn. Il-kumpaniji tal-UE jeħtieġ ikollhom aċċess għal professjonisti żgħażagħ bil-ħiliet meħtieġa għal dawn is-swieq ġodda: forza tax-xogħol b’aktar kwalifiki, inġiniera b’diversi ħiliet fit-tessuti, imma wkoll fil-kimiki, fil-plastik u fir-reżini, fil-manifattura tal-karozzi, fil-kostruzzjoni, u oħrajn.

Ir-rwol tat-taħriġ u l-kwalifiki tal-impjegati huwa ċentrali wkoll. Għandha tingħata prijorità, fil-livell nazzjonali, għaċ-ċaqliq tal-ħiliet l-aktar rilevanti mis-swieq maturi għal dawk li qed jikbru.

Għal din ir-raġuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja x-xogħol li sar mill-Kunsill Ewropew tal-Ħiliet għas-settur tat-Tessuti, l-Ilbies u l-Ġlud (European Skills Council Textiles-Clothing-Leather (ESC-TCL)) li twaqqaf fl-2011 mill-insieħba soċjali bl-għajnuna finanzjarja tal-Kummissjoni Ewropea, u jitlob lil dan il-Kunsill biex jevalwa l-bżonnijiet tal-ħiliet speċifiċi tal-kumpaniji tat-tessuti tekniċi.

4.1.2   Fid-dawl tal-fatt li l-iżvilupp mgħaġġel tas-swieq applikattivi ġodda huwa pjuttost riċenti, tinħtieġ il-promozzjoni tal-opportunitajiet ġodda għall-impjiegi f’dan is-settur. Il-proġett għall-għaqda tad-diversi Osservatorji tal-ħiliet u l-impjiegi għandu jiġi inkoraġġit. Dan il-kompitu ta’ promozzjoni huwa partikolarment urġenti minħabba r-reputazzjoni ħażina li għandha l-industrija tat-tessuti.

4.2   L-aċċesss għall-innovazzjoni teknoloġika u dik li mhix teknoloġika, u l-mezzi biex jitwasslu prodotti u servizzi ġodda fis-suq

Fl-Orizzont 2020 għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni Ewropea identifikat tliet prijoritajiet:

sfidi tas-soċjetà

tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali

eċċellenza fil-bażi xjentifika.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-bidliet ewlenin tal-Orizzont 2000 kif imqabbla mas-Seba’ Programm ta’ Qafas preċedenti:

titjib fil-parteċipazzjoni u l-benefiċċji tal-industrija u tal-SMEs;

iżjed proġetti iżgħar bi tnaqqis fil-piż amministrattiv (tul massimu ta’ sentejn, 3 sa 6 imsieħba);

impenn ċar għall-appoġġ tal-innovazzjoni, inkluż l-innovazzjoni mhux teknoloġika.

4.2.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-COSME għaliex dan joffri mezzi biex jgħinu ’l-SMEs fis-settur tal-oġġetti għall-konsumatur sabiex iwasslu fis-suq oġġetti innovattivi għall-konsumaturi permezz ta’ proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq u permezz ta’ inizjattivi li jużaw mudelli ġodda tan-negozju.

4.2.2   Abbażi tal-esperjenza mid-diversi għodod kollettivi fil-livelli nazzjonali u tal-UE (li diġà ssemmew), ħarġu minn dan is-settur xi bżonnijiet speċifiċi:

l-iżvilupp ta’ komunikazzjoni sempliċi u faċli għall-SMEs fir-rigward tal-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp relatati ma’ prodotti ġodda u materjali ġodda minħabba li parti kbira minn dawn għandhom konnessjonijiet mat-tessuti;

appoġġ lil strutturi għall-kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-akkademiċi fil-qasam tar-riċerka, u, għall-innovazzjoni (Pjattaforma Teknoloġika tal-UE għall-Futur tat-Tessuti u l-Ilbies, kunsilli u netwerks fil-livell nazzjonali, clusters innovattivi fil-livell reġjonali ...);

li jiġu żgurati l-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn tali strutturi madwar l-UE kollha u strutturi simili f’industriji oħrajn biex titrawwem l-innovazzjoni transettorjali;

proposti għal fondi ġodda u aktar ambizzjużi fl-Orizzont 2020 għar-riċiklaġġ tat-tessuti (kemm l-iskart mill-produzzjoni u dak mill-prodotti finali), sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ta’ riċiklabbiltà tat-tessuti kif imqabbla ma’ dik fil-każ tal-industriji tal-karta, jew dik tal-ħġieġ; ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-iskart hija opportunità biex jiġi organizzat is-settur tar-riċiklaġġ tat-tessuti;

l-intensifikazzjoni tar-riċerka dwar l-approċċi għas-CO2 bħala riżorsa, inkluża l-fotosinteżi aċċellerata.

4.3   L-isfida tal-aċċess għall-finanzi

4.3.1   L-aċċess għall-finanzjament mill-banek

L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda ta’ Basel III (7) dwar is-solvenza se twassal għal attività ta’ kreditu aktar restrittiva fi ħdan is-settur bankarju minħabba l-livell ogħla ta’ ekwità tal-azzjonisti li ntalab mill-awtoritajiet li jirregolaw il-banek. Din il-limitazzjoni fuq il-kreditu se jkollha impatt qawwi fuq l-SMEs, partikolarment f’setturi industrijali.

L-aċċess għall-finanzjament huwa fattur ewlieni għall-iżvilupp tat-tessuti tekniċi fl-UE għal diversi investimenti (investimenti fil-magni, teknoloġiji ġodda, tkabbir estern, xiri ta’ privattivi, eċċ).

L-aċċess għall-finanzjament mill-banek huwa ġeneralment diffiċli aktar għal SMEs li jkollhom livell ta’ ekwità (fondi proprji) pjuttost baxx, li barra minn hekk, jistgħu jitqiegħdu fi żvantaġġ minħabba klassifikazzjoni settorjali negattiva.

4.3.2   L-aċċess għall-finanzjament mhux bankarju

Is-sehem tal-finanzjament mhux bankarju fl-ekonomija huwa limitat fl-UE meta mqabbel ma’ dak fl-Istati Uniti: 1/3 kontra 2/3. Għalhekk għandhom jiġu inkoraġġiti l-isforzi mmirati biex iħeġġu l-aċċess ta’ swieq finanzjarji għall-SMEs u l-promozzjoni tal-investituri informali u l-fondi ta’ ekwità.

Il-kumpaniji tat-tessuti tekniċi għandhom ċerti aspetti li jistgħu jħajru l-investimenti privati: dawn huma ta’ spiss negozji tal-familji; il-kapijiet tagħhom huma ħafna drabi inġiniera, u jkollhom esperjenza xjentifika (bħal perżempju ċerti impriżi Franċiżi li għadhom qed jibdew u mnedija mill-kirurgi biex jiżviluppaw ħjut kirurġiċi speċifiċi u prostesi); u s-sehem tal-valur tal-bejgħ investit fir-riċerka u l-iżvilupp huwa ogħla minn dak tal-“industriji tradizzjonali” (ara 2.2.3.4 hawn fuq).

4.4   Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali ġewwa u barra l-UE

L-SMEs ġeneralment jissottovalutaw il-valur tal-assi intanġibbli tagħhom. Għandhom jiġu mgħejjuna biex jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, speċjalment fl-oqsma tal-privattivi u tal-marki, filwaqt li l-mudelli u d-disinni huma importanti aktar għas-swieq tal-Moda u d-Djar.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jagħmel talba għal implimentazzjoni rapida tal-privattiva Ewropea, li se ġġib is-sempliċità u l-protezzjoni uniformi bi prezz li jintlaħaq għall-SMEs innovattivi tal-UE fi ħdan il-limiti ta’ “eliġibilità għal privattiva” (analiżi SWOT speċifika għat-tip ta’ innovazzjoni, suq u profil tal-kumpanija).

Fil-livell globali, il-kumpaniji Ewropej huma vittmi, fuq skala kbira, tal-prodotti kkupjati u ffalsifikati. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħinhom jipproteġu d-drittijiet tagħhom fi swieq kbar emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brazil jew il-Messiku. Id-diffikultajiet fil-protezzjoni tal-marki, id-disinni u l-mudelli huma diġà magħrufin sew fl-industriji kreattivi. Il-protezzjoni tal-privattivi fir-rigward ta’ makkinarju tat-tessuti, fibri ġodda u proċessi ġodda li jġibu magħhom funzjonalitajiet ġodda għandha tiġi msaħħa fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-Kummissjoni Ewropea.

4.5   L-aċċess għall-akkwist pubbliku fl-UE u barra mill-UE

L-akkwist pubbliku jirrappreżenta għodda b’saħħitha biex tiffaċilita l-ħolqien tal-impjiegi, l-inkoraġġiment tal-iżvilupp sostenibbli u t-tħeġġiġ tal-innovazzjoni fi ħdan in-negozju tat-tessuti tekniċi  (8). Fl-UE, ir-rekwiżiti għandhom jinkludu kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Ix-xerrejja pubbliċi għandhom jitħeġġu u jitħarrġu b’mod attiv dwar kif ‘jegħlbu’ l-kriterji tal-prezzijiet u tal-prezzijiet addizzjonali (linji gwida prattiċi).

L-aċċess għall-akkwist pubbliku Ewropew għandu jkun limitat fil-każ ta’ dawk il-kumpaniji barranin li joperaw minn barra u ma jkunux konformi mal-istandards soċjali u ambjentali tal-UE, waqt li l-akkwist pubbliku barrani għandu jiġi ffaċilitat għall-kumpaniji tal-UE.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-proposta għal Regolament, datata l-21 ta’ Marzu 2012, li timmira għal reċiproċità sħiħa bejn l-aċċess għall-akkwist pubbliku tal-UE fir-rigward ta’ kumpaniji li mhumiex fl-UE u l-aċċess għall-akkwist pubbliku barra mill-UE fil-każ tal-kumpaniji tal-UE (9).

4.6   Aċċess għal swieq terzi

Id-DĠ Kummerċ issa huwa konxju bis-sħiħ tal-interessi offensivi tal-industrija tat-tessuti u l-ilbies tal-UE kollha, u l-KE diġà qed tagħti attenzjoni biex tifhem u tneħħi d-diversi ostakli tariffarji u mhux tariffarji.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob lid-DĠ Kummerċ sabiex jikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija tat-tessuti tekniċi fin-negozjati bilaterali li għaddejjin bħalissa u dawk fil-futur (Indja, Kanada, Ġappun, l-Istati Uniti ...)

billi jagħti aktar attenzjoni lill-investimenti (u mhux l-esportazzjoni biss);

billi jagħti aktar attenzjoni lil dawk l-intestaturi doganali kollha li mhumiex inklużi speċifikament fil-Kapitli 50 sa 63 (mill-ħjut sal-ħwejjeġ), pereżempju drappijiet mill-fibri ta’ ħġieġ (HS 70.19) jew prodotti tal-iġene mhux minsuġin (HS 96.19);

billi jistħarreġ aktar il-problemi li l-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw biex ikollhom aċċess għall-akkwist pubbliku barra l-pajjiż f’oqsma bħalma huma dawk tal-ilbies tax-xogħol, l-isptarijiet, eċċ.;

billi jinkludi pereżempju, numru ta’ impenji dwar standardizzazzjoni fi ftehim Transatlantiku futur.

4.7   L-aċċess għall-materja prima kritika

Aktar minn 80 % tal-fibri użati fit-tessuti tekniċi huma sintetiċi. Xi wħud minnhom huma disponibbli f’volumi kbar u bi prezzijiet li jintlaħqu, bħall-poliester, filwaqt li oħrajn, bħall-fibri tal-karbonju, l-aramid, il-fibri tal-ħġieġ jew il-ħjut ta’ tenaċità għolja, jiswew aktar u ġeneralment huma prodotti barra mill-UE.

L-industrija tat-tessuti tekniċi tal-UE hija dipendenti minn fornituri barra mill-UE li jistgħu jitħajru għal miżuri kummerċjali restrittivi, bħalma ġara filkaż tal-Indja fl-2011 bil-miżuri kummerċjali restrittivi dwar il-materja prima tal-qoton u l-ħjut tal-qoton.

Għal din ir-raġuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex:

tikkunsidra, fejn meħtieġ, il-materja prima li hija kritika għat-tessuti tekniċi fid-“diplomazija” tagħha dwar il-materja prima;

tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ fibri naturali - kittien, qanneb, suf, fibri ċellulożiċi – u bijopolimeri, biex b’hekk tassigura riżorsi tal-materja prima mkabbra lokalment għall-industriji tat-tessuti.

5.   Appendiċi 1

Is-sehem tat-tessuti tekniċi fl-esportazzjoni tat-tessuti lejn id-dinja fl-2011 għal kull Stat Membru (eskluż l-ilbies)

Stat Membru

Sehem tat-Tessuti Tekniċi fit-Tessuti esportazzjoni biss

Daqs tal-esportazzjoni €

Sehem mit-total

AT

21 %

545 836 380

2,5 %

BE

28 %

1 664 943 280

7,5 %

BG

23 %

94 353 020

0,4 %

CZ

46 %

1 075 687 960

4,9 %

DE

37 %

5 471 826 120

24,8 %

DK

55 %

696 198 480

3,2 %

EE

40 %

44 819 560

0,2 %

FI

61 %

201 378 760

0,9 %

FR

35 %

1 781 833 080

8,1 %

GR

16 %

106 778 290

0,5 %

HU

47 %

356 668 170

1,6 %

IT

23 %

2 608 481 980

11,8 %

LT

39 %

178 787 500

0,8 %

NL

31 %

1 499 620 840

6,8 %

PL

42 %

723 561 280

3,3 %

PT

23 %

383 053 520

1,7 %

RO

24 %

237 749 020

1,1 %

SE

65 %

558 986 660

2,5 %

SK

36 %

262 766 180

1,2 %

SL

37 %

221 994 210

1,0 %

SP

28 %

963 521 670

4,4 %

UK

40 %

1 683 055 490

7,6 %

Oħrajn 5 (o)

65 %

712 194 990

3,2 %

Pajjiżi tal-UE

33,3 %

22 074 096 440

100 %

(o): Ċipru, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Latvja & Malta

Sors: kalkolu tal-EURATEX fuq data tas-CITH

6.   Appendici 2 Paragun kwalitattiv tal-impatti ambjentali bejn il-materjali tradizzjonali u t-tessuti tekniċi fi tliet eżempji

Frar 2013, IFTH – L-Istitut Franċiż għat-Tessuti u l-Ilbies

Preferibbilment, il-paraguni ambjentali dettaljati u bbażati fuq ix-xjenza għandhom isiru permezz tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA). Żvantaġġ prinċipali ta’ din l-għodda huwa l-ammont ta’ data li trid tinġabar u tintuża, kif ukoll in-numru kunsiderevoli ta’ ipotesi li jistgħu jintużaw, li jagħmluha diffiċli biex tqabbel u tintrepeta l-LCAs bejniethom.

Sabiex jinkiseb għarfien dwar l-interess ambjentali tal-użu tat-tessuti tekniċi, qed jitqabblu r-riżultati tal-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja tat-tessuti tekniċi ma’ dawk ta’ materjali tradizzjonali fi tliet applikazzjonijiet differenti. Dawn l-applikazzjonijiet intgħażlu fost prodotti tal-kostruzzjoni u t-trasport. Dawn iż-żewġ setturi, flimkien ma’ dak tal-ikel u x-xorb, ikopru 70 sa 80 % tal-impatt globali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti fl-Ewropa (Environmental Impact of Products (EIPRO), Analysis of the life cycle environmental impacts related to the final consumption of the EU-25 [Analiżi tal-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja relatata mal-konsum finali fl-UE-25] (http://ec.europa.eu/environment/ipp/pdf/eipro_report.pdf)). Ir-riżultati ppreżentati huma bbażati fuq il-valur normalizzat (minbarra fil-każ tat-tielet wieħed li l-valur normalizzat tiegħu ma ġiex ikkalkolat fl-istudju) u jirrigwardaw l-impatti ambjentali prinċipali għal kull prodott. Ir-riżultati juru xi vantaġġi sinifikanti f’termini ta’ prestazzjoni ambjentali aħjar fil-każ tat-tessuti tekniċi.

6.1   1) Bini - Insulazzjoni

Image

6.2   2) Bini – Tank tal-ilma

Image

6.3   3) Trasport bl-ajru – Tubu strutturali

Image

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  1. Agrotech: agrikoltura, foresterija u sajd. 2. Buildech: bini u kostruzzjoni. 3. Clothtech: komponenti funzjonali taż-żraben u l-ilbies. 4. Geotech: ġeotessili u inġinerija ċivili. 5. Hometech: komponenti tal-għamara, materjali għall-kisi tal-art. 6. Indutech: filtrazzjoni u prodotti oħra użati fl-industrija. 7. Medtech: settur mediku u tal-iġene.8. Mobiltech: kostruzzjoni, tagħmir u immobiljar fil-qasam tat-trasport. 9. Oekotech: protezzjoni ambjentali. 10. Packtech: imballaġġ u ħażna.11. Protech: protezzjoni personali u protezzjoni tal-proprjetà.12. Sporttech: sports u rikreazzjoni.

(2)  Technical Textiles and nonwovens: World Market Forecasts to 2010 (Tessuti Tekniċi u Materjali mhux minsuġa: Tbassir għas-Swieq Dinjija sal-2010) minn: David Rigby Associates disponibbli fis-sit: http://www.fibre2fashion.com/industry-article/pdffiles/Technical-Textiles-and-Nonwovens.pdf.

(3)  

Opinjoni supplimentari dwar il-Komunikazzjoni “Il-futur tas-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea wara t-Tkabbir”(CCMI/009), adottata fis-7 ta’ Ġunju 2004, relatur: is-Sur Nollet.

Opinjoni dwar il-Komunikazzjoni “Il-futur tas-settur tat-tessuti u l-ħwejjeġ fl-Unjoni Ewropea wara t-Tkabbir”(CCMI/009), adottata fl-1 ta’ Lulju 2004, relatur: is-Sur Pezzini.

Rapport ta’ Informazzjoni tas-CCMI dwar L-iżvilupp ta’ l-industrija Ewropea tat-tessuti u ż-żraben (CCMI/041), adottat fl-4 ta’ Frar 2008, relatur: is-Sur Cappellini.

(Opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament dwar ismijiet ta’ tessuti u l-ittikkettjar relatat tal-prodotti tat-tessuti (INT/477), adottata fis-16 ta’ Diċembru 2009, relatur: is-Sur Cappelini.

(4)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(5)  Din ir-rotta, madankollu, għandha l-limitazzjonijiet minħabba l-art li tinħtieġ u kunflitti mal-produzzjoni tal-ikel (kif ġara diġà fil-kuntest tal-bijokarburani).

(6)  Ara pereżemju www.bio-based.eu, www.nova-institut.de VCI /Dechema, 2009: Positionspapier – Verwertung und Speicherung von CO2 (Dokument ta’pożiżżjoni – Użu u ħażna tas-CO2).

(7)  Dawn huma r-regoli l-ġodda dwar il-kapital u l-likwidità għall-banek.

(8)  Ara wkoll ir-Rapport ta’ Informazzjoni tas-CCMI dwar L-iżvilupp tal-industrija Ewropea tat-tessuti u ż-żraben (CCMI/041) CESE 1572/2007, adottat fl-4 ta’ Frar 2008, relatur: is-Sur Cappellini.

(9)  Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess ta’ prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi, COM(2012) 124 final, 21 ta’ Marzu 2012, disponibbli minn: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0124:FIN:MT:PDF.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Politika tal-UE dwar l-Artiku biex tindirizza l-interessi globali emerġenti fír-reġjun — Il-fehma tas-soċjetà ċivili” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 198/04

Relatur: is-Sur HAMRO-DROTZ

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-Politika tal-UE dwar l-Artiku biex tindirizza l-interessi globali emerġenti fír-reġjun – il-fehma tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Marzu 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’163 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

L-Artiku għaddej minn perjodu ta’ tibdil profond. It-tibdil fil-klima qed ikollu impatt sostanzjali fuq it-tisħin globali u kappa tas-silġ li dejjem qed tonqos fir-reġjun, li min-naħa tagħhom qed jaffettwaw il-kundizzjonijiet tat-temp u t-tibdil ambjentali fid-dinja. Fl-istess ħin, qed ikollhom impatt fuq l-ekonomija globali, peress li jippreżentaw opportunitajiet ġodda għall-attività ekonomika fir-reġjun li hu mogħni b’tant riżorsi. Id-dinja qed tixħet ħarsitha lejn ir-reġjun Artiku, li l-ekosistema u l-popolazzjoni fraġli tiegħu jitolbu protezzjoni u attenzjoni adatta. Dan it-tibdil jista’ jkollu konsegwenzi ġeopolitiċi.

1.2

Il-KESE jitlob lill-UE tipprovdi strateġija ċara għall-Artiku u impenn kredibbli għall-kooperazzjoni mal-Istati Artiċi. L-Artiku huwa ta’ importanza kbira ħafna għall-UE, u l-UE għandha ħafna x’tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni relatata mal-Artiku. Il-Kumitat jitlob li jsir investiment f’attività ekonomika responsabbbli bbażata fuq l-għarfien dwar il-klimi kesħin, u jitlob ukoll li tiġi żviluppata l-infrastruttura. Jitlob ukoll li titkompla l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima, u li jsir sforz determinat biex jitħares l-ambjent fraġli tar-reġjun.

1.3

Għandha tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Artiku kif ukoll dik tal-UE fil-Kunsill. Is-soċjetà ċivili għandha tiġi involuta b’mod wiesa’ fil-kooperazzjoni relatata mal-Artiku. Hemm bżonn ta’ iżjed ftuħ u sforz determinat biex tittejjeb il-komunikazzjoni fil-kooperazzjoni relatata mal-Artiku.

1.4

Is-seduta pubblika organizzata fit-Tramuntana tal-Finlandja (Rovaniemi) bil-kooperazzjoni taċ-Ċentru Artiku tal-Università tal-Lapponja (1) kienet ta’ siwi kbir għall-KESE. Il-Kumitat għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni relatata mal-Artiku u għall-politika tal-UE dwar l-Artiku, u li jsaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mas-soċjetà ċivili fir-reġjun.

2.   Fehmiet u konklużjonijiet ewlenin tas-soċjetà ċivili

Din l-Opinjoni tippreżenta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE b’rabta mal-politika tal-UE dwar l-Artiku, b’referenza partikolari għall-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Affarijiet Barranin ta’ Ġunju 2012 u d-dokument konġunt ta’ ħidma tal-persunal marbut magħha (2).

2.1

L-importanza strateġika tal-Artiku żdiedet b’mod konsiderevoli, u l-interess fir-reġjun qiegħed kulma jmur jikber fil-livell dinji. Għalhekk, huwa kruċjali li l-UE tiffinalizza l-politika tagħha dwar l-Artiku mill-iżjed fis possibbli, sabiex tkun tista’ tieħu sehem bħala attur kredibbli u kostruttiv, u bħala inizjatur fil-kooperazzjoni relatata mal-Artiku. Jeħtieġ li l-UE turi l-impenn tagħha lejn l-Artiku u lejn il-kooperazzjoni fir-reġjun. L-ewwel u qabel kollox għandhom jiġu kkunsidrati l-partijiet tal-Istati Membri Artiċi tal-UE li qegħdin fit-Tramuntana u għandha tiġi kkonkretizzata l-kooperazzjoni mal-Istati Artiċi, b’mod partikolari mal-pajjiżi ġirien fl-Ewropa (inkluża l-Groenlandja). Is-sitwazzjoni titlob strateġija mill-UE dwar l-Artiku li tkun żviluppata bis-sħiħ.

Il-konċentrazzjoni tar-riżorsi tal-UE allokati għar-reġjun Artiku f’post wieħed jew il-koordinazzjoni effettiva tagħhom, inkluża partita baġitarja għar-reġjun Artiku fil-baġit tal-UE, jikkontribwixxu biex jiżguraw implimentazzjoni kredibbli tal-politika jew l-strateġija tal-UE dwar l-Artiku.

2.2

Il-politika jew l-istrateġija tal-UE u l-istrateġiji tal-Istati Artiċi għandhom ikunu konsistenti ma’ xulxin; il-governanza Artika għandha tiġi żviluppata u implimentata fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni effettiva ma’ dawk il-pajjiżi u ma’ msieħba ewlenin. Il-kooperazzjoni u l-koeżistenza relatati mal-Artiku għandhom, safejn possibbli, ikunu bbażati fuq ftehimiet internazzjonali u kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali (inklużi n-NU, l-IMO, il-FAO u l-ILO). Il-kooperazzjoni tkun iżjed faċli minħabba l-fatt li l-pajjiżi parteċipanti jkunu rratifikaw l-iżjed ftehimiet importanti li għandhom impatt fuq l-Artiku.

2.3

It-tellieqa li għaddejja bħalissa fl-Artiku ma għandhiex titħalla tinbidel f’kunflitt. L-UE għandha tippromovi d-djalogu dwar mekkaniżmu legali internazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim li jkun vinkolanti għall-partijiet involuti kollha. Din hija waħda mir-raġunijiet għala, kif kien ġie propost fl-2010 u kif ġie approvat mill-Parlament Ewropew (3), għandu jiġi organizzat summit dwar l-Artiku taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Artiku kemm jista’ jkun malajr. Dan għandu jagħti l-opportunità lill-atturi kollha ewlenin interessati fir-reġjun u fil-kooperazzjoni li jiddiskutu l-ġejjieni tar-reġjun u jfittxu li jistabbilixxu kunsens dwar il-prinċipji għall-kollaborazzjoni fir-reġjun. Ikun għaqli li summits ta’ dan it-tip jiġu organizzati wkoll fuq bażi regolari fil-futur. Sabiex il-kooperazzjoni bejn l-atturi fl-Artiku tirnexxi, jinħtieġu għodda effettivi, pereżempju netwerk kondiviż għall-komunikazzjoni u l-monitoraġġ ibbażat fuq teknoloġija moderna.

2.4

Il-KESE jaqbel li l-pożizzjoni tal-Kunsill tal-Artiku għandha tissaħħaħ, u jemmen li għandu jkollu mandat biex jaħdem bħala forum internazzjonali għan-negozjati dwar kwistjonijiet ewlenin fl-Artiku. Sabiex il-kooperazzjoni fil-Kunsill tal-Artiku tirnexxi, jeħtieġ li l-Istati tal-Artiku kollha jiġu ttrattati bl-istess mod.

L-UE għandha jkollha pożizzjoni aktar b’saħħitha fil-Kunsill, peress li b’hekk tkun tista’ tikkontribwixxi aktar għall-ħidma tal-Kunsill u ssaħħaħ l-influwenza tal-Kunsill bil-parteċipazzjoni tagħha. L-UE għandha ħafna x’tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni. Wieħed mill-modi kif il-pożizzjoni tal-UE tista’ tissaħħaħ hija billi tingħata status ta’ osservatur u l-Istati Membri Artiċi tal-UE għandhom jikkunsidraw ukoll il-fehmiet tal-UE fil-Kunsill.

L-UE għandha tfittex ukoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents (u l-Kunsill Reġjonali ta’ Barents), peress li dawn jaqdu rwol ewlieni fl-interazzjoni transkonfinali fost it-13-il reġjun membru (fin-Norveġja, l-Isvezja, il-Finlandja u r-Russja) tar-reġjun ta’ Barents li huwa mogħni b’bosta riżorsi. L-UE għandha tippromovi l-kooperazzjoni fost il-forums reġjonali ta’ kooperazzjoni differenti kif ukoll tuża l-għarfien espert tagħhom, anke dawk imsemmijin fit-taqsima 4, bħall-Kunsill Nordiku tal-Ministri, il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku jew it-Tmien Pajjiżi Nordiċi-Baltiċi.

2.5

Il-KESE jaqbel dwar il-bżonn ta’ data iżjed komprensiva u kredibbli dwar it-tibdil fil-klima fid-dinja kollha u fl-Artiku, li għandu kundizzjonijiet ambjentali uniċi u ekosistema fraġli. Għandu jibqa’ jkun hemm konċentrazzjoni determinata fuq ir-riċerka xjentifika u l-monitoraġġ marbutin mat-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet ekoloġiċi, ambjentali u meteoroloġiċi. L-ACIA (Arctic Climate Impact Assessment), il-valutazzjoni SWIPA (Snow, Water, Ice and Permafrost in the Arctic), il-programm Ice2sea, il-proġett tal-UE dwar l-impronta ekoloġika tal-Artiku u l-valutazzjoni tal-politika dwar l-Artiku u l-parteċipazzjoni fis-SAON (Sustaining Arctic Observing Networks) jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-Artiku relatata mar-riċerka. In-netwerks stabbiliti tal-UE għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-monitoraġġ li jaħdmu tajjeb għandhom ikunu iżjed effettivi bil-għan li jkabbru l-għarfien u jsaħħu l-kapaċità.

2.5.1

S’issa, l-attenzjoni tar-riċerka kienet iffukata l-aktar fuq il-mitigazzjoni u l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima fi nħawi differenti tad-dinja, iżda t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu diġà jidhru li waslu f’punt li ma nistgħux naħarbu minnhom u li ma tantx nistgħu nwaqqfuhom (4). Għalhekk, għandu jkun hemm aktar enfasi fuq riċerka li tistudja l-preservazzjoni tal-ambjent Artiku u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, kif ukoll il-mod li bih nistgħu nadattaw għall-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tat-tibdil fil-klima. L-attivitajiet u r-riżultati tar-riċerka għandhom isiru pubbliċi; ir-riċerka għandha tkopri l-aspetti kollha tal-kwistjoni u għandha tkun miftuħa u tinkludi s-soċjetà ċivili u r-riċerkaturi mill-pajjiżi kollha tal-UE (ara wkoll il-punt 2.9).

2.5.2

Ir-riċerka dwar l-Artiku għandha tingħata iżjed enfasi fil-programmi ta’ riċerka tal-UE u għandhom jitwarrbu fondi separati għaliha fil-qafas finanzjarju tal-UE għall-perjodu 2014-2020.

2.6

Ir-reġjun Artiku għandu importanza ekonomika kbira għall-popolazzjoni lokali, għall-Ewropa inġenerali u lil hinn minnha. L-intraprenditorija fir-reġjun, inklużi l-industrija tal-ipproċessar u l-intraprenditorija rurali għandhom jitħeġġu b’modi differenti, pereżempju permezz ta’ inizjattivi bħall-ArcticStartup u t-taħriġ. L-investiment għandu jiġi promoss. Fir-rigward tal-estrazzjoni tar-riżorsi u attivitajiet ekonomiċi oħra, l-UE għandha tinvesti f’teknoloġija adattata għall-kundizzjonijiet tal-Artiku u fl-iżvilupp u l-użu ta’ għarfien rilevanti dwar il-klimi kesħin. Dan għandu jinkludi t-tħaffir fl-ibħra fondi lil hinn mill-kosta, l-industrija tal-minjieri u dik marittima, id-disinjar u l-bini tal-bastimenti u tal-makkinarju u t-teknoloġija relatata mal-portijiet, it-tarzna u t-trasportazzjoni.

2.6.1

L-iżvilupp tal-infrastruttura, b’mod partikolari t-trasport bil-ferrovija, bit-triq, bl-ajru u bil-baħar kif ukoll in-netwerks għat-trasportazzjoni tal-enerġija, għandhom ikunu wkoll ibbażati fuq it-teknoloġija u l-għarfien adattati għall-kundizzjonijiet ambjentali ħorox tal-Artiku. Il-ħolqien ta’ loġistika jew infrastruttura li taħdem tajjeb (kemm mit-Tramuntana għan-Nofsinhar kif ukoll mill-Punent għal-Lvant) huwa ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp fl-Artiku.

2.6.2

Oqsma oħra importanti għall-iżvilupp li jeħtieġu l-fondi fir-reġjun huma l-bini ta’ ċentri għall-popolazzjoni, l-użu tal-IT f’żoni b’popolazzjoni baxxa (it-tagħlim remot, il-kura tas-saħħa elettronika) u t-turiżmu.

2.6.3

Fil-waqt li tkun qed tiżviluppa r-rotta tal-Baħar tat-Tramuntana għat-trasport, bħala alternattiva aktar kosteffettiva u f’ċerti aspetti aktar sigura mir-rotta tan-Nofsinhar li tuża l-Kanal ta’ Suez, l-UE għandha tqis b’mod adegwat il-kunsiderazzjonijiet ambjentali. L-UE għandha tħabrek biex isiru aċċessibbli rotot tat-tbaħħir ġodda fl-Artiku għal “passaġġ innoċenti” b’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali (UNCLOS), anke fi nħawi fejn ir-rotot jgħaddu minn żoni ekonomiċi esklużivi ta’ pajjiżi differenti. Dan huwa ta’ importanza kruċjali għall-iżvilupp tat-traffiku kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri fir-reġjun.

2.6.4

L-UE għandha tagħmel sforz ikbar biex tintegra dawn il-prijoritajiet fl-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u fi programmi oħra, bħall-Unjoni għall-Innovazzjoni u l-Orizzont 2020. Il-politika reġjonali u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-programmi Interreg u l-ENPI (Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija) huma ta’ importanza ewlenija għar-reġjuni ultraperiferiċi tat-Tramuntana tal-UE, u huwa kruċjali li jkomplu jilħqu dawn ir-reġjuni u r-reġjuni ġirien tagħhom b’mod effettiv, filwaqt li jappoġġjaw l-ekonomija u l-attività soċjetali u jippromovu l-kooperazzjoni transkonfinali.

2.6.5

Jeħtieġ li l-UE tinvesti wkoll f’inizjattivi relatati mal-kooperazzjoni fir-reġjun bi qbil mal-imsieħba tagħha. Il-proġett tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għal sħubija fil-qasam tat-trasport jitlob attenzjoni speċjali u riżorsi suffiċjenti, għax jista’ jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ rotot ta’ trasportazzjoni mir-reġjun ta’ Barents – li huwa mogħni b’bosta riżorsi – fosthom sas-swieq Ewropej. Pereżempju, huwa essenzjali li, mingħajr dewmien, jinbnew konnessjonijiet tal-art bejn l-UE u l-portijiet ewlenin tal-Artiku bħal Murmansk u Narvik. Dawn il-proġetti għandhom jitqiesu bħala urġenti ferm (ara wkoll il-punti 2.6.1 u 2.6.3).

L-użu tar-riżorsi għall-promozzjoni tal-attività ekonomika jista’ jkollu effetti pożittivi fuq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tan-nies fir-reġjun.

2.7

Huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat bilanċ sostenibbli bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-attività ekonomika fl-Artiku. L-UE għandha tagħmel sforz determinat biex tgħin lill-pajjiżi tal-Artiku jiksbu dan il-bilanċ, peress li l-ekosistema tar-reġjun hija partikolarment fraġli. L-attività fl-Artiku għandha tikkonforma mal-ogħla standards internazzjonali ta’ żvilupp sostenibbli li jitolbu l-kundizzjonijiet fir-reġjun. Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva hija aspett ewlieni, l-istess kif inhuma l-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD. Il-kumpaniji għandhom joperaw bi prudenza responsabbli, b’mod speċjali f’postijiet b’valur naturali partikolari jew li huma meqjusin sagri mill-popli indiġeni. Is-sajd ukoll għandu josserva din l-istess prudenza responsabbli; għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex l-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra fondi jintużaw b’mod sostenibbli fuq il-bażi tar-regoli tal-UE dwar is-sajd fl-ibħra miftuħa, il-linji gwida rilevanti tal-FAO, il-Komunikazzjoni Konġunta JOIN(2012) 19 final u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż magħha SWD(2012) 182 final, u possibbilment ukoll il-ftehim fil-kuntest tal-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC/CPANE) (5). Dan huwa essenzjali sabiex jiġu mħarsa l-vitalità ekonomika u l-benesseri fl-Artiku.

2.7.1

Il-linji gwida tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-politika marittima u l-esperjenza tagħha dwarhom għandhom ikunu disponibbli b’mod attiv għall-kooperazzjoni relatata mal-Artiku. Minbarra l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali tal-attività ekonomika, l-impatt ekonomiku tagħha għandu dejjem jiġi vvalutat ukoll.

2.7.2

L-UE għandha taħdem biex tiżgura li l-ftehim il-ġdid tal-Kunsill tal-Artiku dwar kif għandu jiġi evitat it-tixrid taż-żejt jiġi implimentat bis-sħiħ, u li jinbdew in-negozjati dwar il-prinċipji li jirregolaw it-tħaffir.

2.7.3

Huwa kruċjali wkoll li n-negozjati dwar il-kodiċi dwar it-tbaħħir tal-IMO għar-reġjuni polari (Kodiċi Polari) jiġu konklużi b’suċċess. Mill-perspettiva tar-rotot tat-tbaħħir fl-Artiku, l-UE għandha tagħmel is-servizzi tagħha tas-sistema Galileo għas-sorveljanza bis-satellita disponibbli, sabiex issaħħaħ in-navigazzjoni u s-sikurezza, u tikkombina din is-sistema ma’ oħrajn bħalha fejn possibbli.

2.8

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa d-djalogu mniedi mill-UE mas-Sami u popli indiġeni oħra u mal-gruppi ta’ interess fir-reġjun Artiku. Għandu jkun hemm sforz determinat biex dan id-djalogu jinżamm u jissaħħaħ. Il-wirt kulturali tal-popli indiġeni u l-mod tradizzjonali kif jaqilgħu l-għajxien tagħhom (it-trobbija tar-renni) għandhom jiġu rispettati. Iżda, fil-parti l-kbira tagħhom, ir-residenti fir-reġjun jagħmlu parti minn gruppi mhux nindiġeni (madwar 90 %), u għalhekk id-djalogu għandu fl-istess ħin jiġi estiż għall-popolazzjoni kollha. Il-KESE jaqbel ukoll mal-osservazzjoni fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2012 li: “L-Artiku joffri kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet li se jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin”. It-tibdil fl-Artiku ser ikollu impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni mhux hemmhekk biss u fir-reġjuni ġirien, iżda wkoll fi nħawi oħra tad-dinja (pereżempju, il-potenzjal ekonomiku, episodji aktar frekwenti ta’ kundizzjonijiet estremi ta’ temp minħabba t-tibdil fil-klima, ċaqliq fil-kurrenti tal-oċeani, livelli tal-baħar iżjed għoljin, perjodi ta’ nixfa u nżul qawwi ta’ xita u silġ).

2.8.1

Is-soċjetà ċivili trid tiġi involuta b’mod wiesa’ u regolari fil-ħidma dwar l-Artiku flimkien mal-popli indiġeni. Diversi partijiet interessati, fosthom negozji, impjegati u attivisti ambjentali, għandhom ikunu involuti fl-attivitajiet kemm multilaterali kif ukoll tal-UE marbutin mal-Artiku. Għandhom jiġu organizzati djalogi regolari, diskussjonijiet round-table u seduti ma’ diversi gruppi tas-soċjetà ċivili.

2.8.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE taħdem biex ittejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’diversi oqsma:

kull pajjiż Artiku għandu jinvolvi lill-imsieħba ewlenin tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħha dwar l-Artiku;

l-imsieħba ewlenin tas-soċjetà ċivili għandhom jingħataw rwol konsultattiv iżjed b’saħħtu fil-Kunsill tal-Artiku u l-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw is-soċjetà ċivili;

l-UE għandha tinkludi d-djalogu mal-imsieħba ewlenin tas-soċjetà ċivili tal-UE fil-politika jew l-strateġija tagħha li jmiss dwar l-Artiku.

2.8.3

L-għan tal-KESE huwa li jieħu sehem f’din il-ħidma, u jippreżenta l-fehmiet u l-proposti tas-soċjetà ċivili organizzata fl-UE. L-KESE beħsiebu wkoll isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mas-soċjetà ċivili fl-Artiku kemm fi ħdan il-fruntieri tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom. L-għan huwa li jappoġġja l-leħen u r-rappreżentanza organizzata tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi Artiċi. Għandhom ukoll jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-atturi sottoreġjonali u lokali jkollhom il-pjattaforma adatta biex jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-livell tal-UE.

2.9

Il-KESE jaqbel mal-fehma li jinħtieġu ferm iżjed trasparenza u informazzjoni pubblika dwar l-Artiku u l-kooperazzjoni fir-reġjun. Għalhekk, l-UE għandha titlob strateġija effettiva fil-qasam tal-komunikazzjoni għall-kooperazzjoni relatata mal-Artiku. Għal dan il-għan, il-KESE japprova bis-sħiħ il-proposta mressqa mill-Kummissjoni fl-2008 (6), li ħa nota tagħha l-Kunsill tal-Ministri fl-2009 (7) u mbagħad il-Parlament Ewropew (8), għat-twaqqif ta’ Ċentru tal-UE għall-Informazzjoni dwar l-Artiku. Dan ikun responsabbli b’mod partikolari għall-forniment ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati tar-riċerka u attivitajiet oħra relatati mal-kooperazzjoni fl-Artiku. Din l-inizjattiva hija importanti espressament f’termini ta’ trasparenza akbar. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea inkarigat liċ-Ċentru Artiku tal-Università tal-Lapponja biex tagħmel ix-xogħol ta’ tħejjija għaċ-ċentru. Iċ-Ċentru tal-Informazzjoni jista’ jopera bħala netwerk, bil-parteċipazzjoni mill-korpi tar-riċerka u tal-komunikazzjoni dwar l-Artiku mill-Ewropa u bnadi oħra. Is-soċjetà ċivili tista’ taqdi rwol f’dan ir-rigward.

3.   Sfond

3.1   Karatteristiċi ewlenin tar-reġjun Artiku

Iż-żona bejn il-Pol tat-Tramuntana u ċ-Ċirku Artiku (lat. 66° 33′ 44″) hija magħrufa b’mod ġenerali bħala r-reġjun Artiku, li hija definizzjoni tajba.

3.1.1

Il-biċċa l-kbira ta’ dan ir-reġjun huwa magħmul mill-Oċean Artiku, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa miksi bis-silġ – il-Pol Nord jinsab f’nofs l-Oċean. Il-Baħar Barents, il-Baħar Kara, il-Baħar tal-Groenlandja, il-Baħar Norveġiż, il-Baħar Beaufort, il-Baħar Laptev u xi reġjuni oħra tal-baħar li ngħatalhom isem kollha jiffurmaw parti mill-Oċean Artiku. L-Oċean Artiku huwa mdawwar minn blat kontinentali. Tmien Stati Artiċi – il-Kanada, id-Danimarka (inkluża l-Groenlandja), il-Finlandja, in-Norveġja (inkluża Svalbard), ir-Russja, l-Isvezja u l-Istati Uniti (inkluża l-Alaska) – jinsabu parzjalment fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku u għandhom ammonti kbar tat-territorju Artiku. L-Island kemm tmiss iċ-Ċirku Artiku. Tal-inqas ħamsa minn dawn il-pajjiżi – in-Norveġja, ir-Russja, il-Kanada, id-Danimarka/il-Groenlandja u l-Istati Uniti (l-hekk imsejħa Arctic Five) – għandhom kosta fuq l-Oċean Artiku. Fost l-Istati Artiċi hemm tliet Stati Membri tal-UE: il-Finlandja l-Isvezja u d-Danimarka. In-Norveġja u l-Islanda huma membri taż-ŻEE iżda mhumiex fl-UE, filwaqt li l-Islanda applikat għal sħubija fl-UE. L-Istati Uniti, ir-Russja u l-Kanada huma msieħba strateġiċi tal-UE. Il-Groenlandja tagħmel parti mid-Danimarka iżda ilha tgawdi minn status ta’ awtonomija wiesgħa sa mill-2009; mhijiex imsieħba fl-UE iżda għandha ftehim ta’ sħubija magħha.

3.1.2

L-Artiku jkopri 14,5 miljun km2 u għandu popolazzjoni ta’ madwar 4 miljuni (ħafna minnhom fir-Russja), li xi 10 % minnhom jappartienu għal gruppi indiġeni (Sami, Inuit, Nenets, Athabascans, Gwich’in). Is-Sami tal-Finlandja u l-Isvezja huma l-uniċi popli indiġeni li jgħixu ġewwa l-fruntieri tal-UE. Murmansk, li jinsab fil-Majjistral tar-Russja, huwa l-akbar port tal-Artiku (9). Ir-reġjun għandu komunitajiet li jaħdmu tajjeb u ppjanar komunitarju; bħala eżempju, nistgħu nsemmu l-Kunsill Reġjonali tal-programm tal-Lapponja għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020 (10). Jiġu pprattikati wkoll l-agrikoltura, il-foresterija, it-trobbija tal-annimali għall-pil tagħhom u forom differenti ta’ negozju adatti għall-klima ħarxa tal-Artiku fir-reġjun (11).

3.2   Sfidi ewlenin fir-reġjun Artiku

3.2.1

Tradizzjonalment, l-Artiku huwa reġjun stabbli, u l-koeżistenza bejn l-Istati Artiċi hija bbażata fuq il-kooperazzjoni kostruttiva u l-fiduċja. L-Artiku għandu status ġeopolitiku importanti, u l-interess fir-reġjun żdied b’mod konsiderevoli fid-deċennji reċenti fl-Istati Artiċi, fl-Ewropa u fid-dinja. Għal diversi raġunijiet, ir-reġjun għaddej minn perjodu ta’ tibfil profond.

3.2.2

It-tibdil antropoġeniku fil-klima fil-livell dinji, speċjalment it-tisħin globali, huwa eċċezzjonalment importanti u rapidu fl-Artiku. Dan qed jikkawża li l-kappa tas-silġ iddub u l-permafrost tinħall, u dan qed iħaffef il-formazzjoni ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fid-dinja (parzjalment minħabba r-rilaxx tal-gass metan). Il-gassijiet b’effett ta’ serra qed jikkawżaw żieda fil-kundizzjonijiet estremi tat-temp, ċaqliq fil-kurrenti tar-riħ u tal-oċeani, iżjed u iżjed perjodi twal ta’ nixfa, u nżul qawwi ta’ xita u silġ fi nħawi differenti tad-dinja. Silġ li jdub, partikolarment fl-Antartiku u fil-Groenlandja, jista’ jikkawża li l-livelli tal-baħar jogħlew bejn metru u żewġ metri. Sa Settembru 2012, il-kappa tas-silġ tal-Artiku naqset b’ammont rekord (għal 3,41 miljun km2). Is-silġ fuq l-art, b’mod partikolari, qed idub b’rata mgħaġġla (mill-1980 ’l hawn madwar 70 % dab) u qed ikun sostitwit minn silġ irqiq li jdum sena. Fis-sajf tal-2008, l-Oċean Artiku kien 65 % ħieles mis-silġ, u biċċiet kbar minnu jistgħu jdubu fid-deċennji li ġejjin (12).

3.2.3

Ir-reġjun fih riżorsi naturali vasti li għadhom ma ġewx sfruttati, kemm fl-oċean kif ukoll fuq l-art. Kappa tas-silġ li qed tirqaq u tiċkien minħabba t-tisħin tal-atmosfera, flimkien mal-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, qed iżżid l-opportunitajiet ta’ esplorazzjoni biex jiġu estratti idrokarburi ġodda (żejt u gass) u depożiti ta’ materja prima oħra fl-ibħra fondi. Pereżempju, kwart tad-depożiti tal-gass identifikati tad-dinja u 80 % tad-depożiti identifikati ta’ gass naturali tar-Russja jinsabu fl-Artiku. Huwa stimat li 13 % tad-depożiti taż-żejt mhux skoperti tad-dinja, 30 % tad-depożiti mhux skoperti tal-gass, u 20 % tad-depożiti tal-gass likwidu jinsabu f’dan ir-reġjun.

3.2.4

Il-biċċa l-kbira tal-akbar kumpaniji taż-żejt u tal-gass tad-dinja joperaw fl-Artiku, u diġà hemm għadd kbir ta’ siti tat-tħaffir taż-żejt lil hinn mill-kosta, u siti ġodda aktar fit-Tramuntana qed jiġu esplorati u investigati (pereżempju, in-Norveġja għandha 89 sit fil-Baħar Barents u ser tibda tħaffer dalwaqt f’disa’ siti ġodda). Iż-żieda fl-importanza tal-enerġija mix-shale ma tnaqqasx l-attrazzjoni ta’ dawn is-sorsi.

3.2.5

Għal xi deċennji issa diġà hemm attività estensiva ta’ tħaffir fil-minjieri għal metalli u minerali f’partijiet differenti tal-Artiku, fejn hemm depożiti sostanzjali li għadhom ma ġewx sfruttati. Pereżempju, 90 % tal-produzzjoni tal-minerali tal-ħadid tal-UE u madwar 20 % tal-produzzjoni tan-nikil tad-dinja jiġu mill-Artiku, l-aktar mir-reġjun ta’ Barents. L-Artiku għandu wkoll ammonti sostanzjali ta’ foresti, riżorsa naturali rinnovabbli ewlenija.

3.2.6

Madwar kwart tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja jinsabu fl-Artiku. Iż-żieda fit-temperatura tal-ilmijiet qed ikollha impatt fuq iċ-ċaqliq tal-ħut, liema ħaġa min-naħa tagħha taffettwa s-sajd. Is-sajd qed jersaq dejjem iktar lejn it-Tramuntana f’ilmijiet li qabel ma kinux jiġu sfruttati.

3.2.7

Hekk kif il-kappa tas-silġ qed issir dejjem aktar fraġli u t-temperaturi atmosferiċi qed jogħlew, hemm opportunitajiet akbar li jinfetħu jew jiġu żviluppati rotot ġodda tat-tbaħħir (il-Passaġġ tal-Majjistral u r-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana) minn ġol-Oċean Artiku lejn u mil-Lvant tal-Asja, rotot li huma madwar 40 % iqsar mir-rotot tal-baħar attwali għal pajjiżi fil-fruntiera tal-Oċean Atlantiku u lejn l-Istati kostali Asjatiċi. Dan ser inaqqas b’mod sostanzjali l-ispiża tat-traffiku fi tranżitu u l-emissjonijiet tal-karbonju. Proporzjon sostanzjali tal-merkanzija tal-baħar fil-livell dinji jitgħabba fuq bastimenti tal-UE, u madwar 90 % tal-merkanzija marittima tad-dinja bħalissa tivvjaġġa tul ir-rotta marittima tradizzjonali, dik tan-Nofsinhar. Fl-2012, sitta u erbgħin vapur użaw ir-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana mill-Baħar Barents għall-Istrett ta’ Bering. It-traffiku tal-merkanzija qed jiżdied għalkemm għad hemm inċertezzi kbar dwar l-użu tar-rotta, l-aktar minħabba r-regoli tan-navigazzjoni, l-ispejjeż, is-sigurtà u l-kundizzjonijiet estremi tat-temp fir-reġjun.

3.2.8

Il-potenzjal ekonomiku huwa enormi u l-Artiku jista’ jiżviluppa f’reġjun ewlieni għall-ekonomija tad-dinja minħabba r-riżorsi tal-enerġija u ta’ materja prima tiegħu u r-rotot il-ġodda ta’ trasport marittimu.

3.2.9

Il-kundizzjonijiet ambjentali fl-Artiku huma uniċi u l-ekosistema tiegħu hija fraġli u vulnerabbli. L-iforzi għat-titjib tal-ġestjoni tat-tibdil ambjentali u l-prevenzjoni ta’ diżastri ambjentali kkawżati mill-bniedem minħabba attività ekonomika (tixrid taż-żejt, eċċ.) huma prijorità ewlenija fil-kooperazzjoni reġjonali.

3.2.10

Dan it-tibdil għandu impatt fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popli indiġeni u nies oħra li jgħixu fl-Artiku u fir-reġjuni ġirien. It-tibdil fil-kundizzjonijiet tat-temp u tal-ambjent, l-opportunitajiet ekonomiċi evidenti u ż-żieda fl-interessi ġeopolitiċi u dawk relatati mas-sigurtà ukoll qed jaffettwaw ħajjet in-nies fi bnadi oħra tal-Ewropa u tad-dinja.

3.2.11

It-tiftix ta’ bilanċ strateġiku fl-Artiku bejn theddidiet u opportunitajiet jista’ jitqies bħala kritiku għall-futur tad-dinja kollha.

4.   Atturi politiċi ewlenin fl-Artiku

4.1

Kull wieħed mit-tmien Stati Artiċi għandu l-istrateġija Artika tiegħu (13). Fil-parti l-kbira huma jiffukaw fuq prijoritajiet simili: l-importanza politika u ekonomika tal-Artiku għalihom; il-pożizzjoni speċifika tal-pajjiż fir-reġjun; il-kundizzjonijiet naturali u l-ekosistema; u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ governanza tar-reġjun b’mod sostenibbli. Il-punt tat-tluq tal-istrateġiji kollha huwa l-potenzjal tar-reġjun Artiku mil-lat tal-enerġija, il-materja prima u l-iżvilupp ta’ rotot ta’ tranżitu. L-Istati żviluppaw ukoll relazzjonijiet bilaterali ma’ xulxin biex iħarsu u jippromovu l-interessi komuni tagħhom fl-Artiku. L-Assemblea Parlamentari tan-NATO ħarġet riżoluzzjoni dwar l-Artiku f’Ottubru 2012 (14).

4.2

Hemm erba’ forums għall-kooperazzjoni reġjonali fit-Tramuntana:

Il-Kunsill tal-Artiku  (15) huwa l-iżjed strument importanti għall-kooperazzjoni reġjonali, u għandu tmien membri (l-Istati Artiċi, fosthom il-Gżejjer Faroe u l-Groenlandja bħala dipendenzi tad-Danimarka), sitt parteċipanti permanenti (il-forums varji għall-kooperazzjoni bejn il-popli indiġeni tal-pajjiżi Artiċi) (16), u għadd kbir ta’ osservaturi (il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, ir-Renju Unit, il-Polonja, Franza, il-Ġermanja u 18-il organizzazzjoni intergovernattiva u NGOs). L-UE, l-Italja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Korea t’Isfel u s-Singapor talbu d-dritt li jkunu osservaturi permanenti. Fi snin reċenti, iċ-Ċina żiedet sostanzjalment l-attività tagħha f’rabta mar-reġjun Artiku u l-pajjiżi fir-reġjun. L-Istati Membri tal-Kunsill tal-Artiku kkonkludew ftehimiet bħall-ftehim dwar it-tfittxija u s-salvataġġ fil-baħar. Qed isir sforz biex il-Kunsill ikollu rwol aktar importanti, b’ġurisdizzjoni aktar mifruxa u b’influwenza akbar bħala strument ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

4.3

Il-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents  (17) ikopri r-reġjuni Ewropej Artiċi u sotto-Artiċi. Huwa jippromovi l-kooperazzjoni fir-reġjun ta’ Barents li fih bosta riżorsi u li jeħtieġ rotot tat-trasport aħjar għas-swieq Ewropej u nħawi oħra. Il-Kunsill hu magħmul minn seba’ membri: il-Finlandja, in-Norveġja, l-Isvezja, id-Danimarka, l-Islanda, ir-Russja u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill jospita wkoll il-Kunsill Reġjonali ta’ Barents  (18) li fih it-13-il sottoreġjun ta’ Barents u li jaħdem biex jiffaċilita kooperazjoni prammatika.

4.4

Il-Kunsill Nordiku tal-Ministri  (19), u l-Kunsill Nordiku) għandu l-istrateġija proprja tiegħu għall-Artiku. Fil-ħames pajjiżi Nordiċi, tradizzjonalment hemm kooperazzjoni mill-qrib u ta’ importanza kbira fosthom, kif ukoll kompetenza u għarfien dwar il-kundizzjonijiet tat-Tramuntana. Il-Groenlandja tieħu sehem f’din il-kooperazzjoni bħala membru bi drittijiet sħaħ.

4.5

Il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS) (20) isostni l-kooperazzjoni fost it-tmien pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. L-UE għandha l-Istrateġija makroreġjonali proprja tagħha għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBR).

4.6

Id-Dimensjoni tat-Tramuntana  (21), li hija politika komuni mħaddna mill-UE, l-Islanda, in-Norveġja u r-Russja, tkopri żona ġeografika li tinkludi r-reġjuni Artiċi u sotto-Artiċi tal-Ewropa mill-Majjistral tar-Russja fil-Lvant sal-Islanda u l-Groenlandja fil-Punent. Il-kooperazzjoni hija bbażata fuq erba’ Sħubijiet tematiċi (NDEP, NDPHS, NDPTL u NDPC) u Tieqa tal-Artiku separata. Is-Sħubija dwar it-Trasportazzjoni u l-Loġisitika (NDPTL), li fil-qafas tagħha bħalissa qed tiġi żviluppata proposta għal netwerk tat-trasport reġjonali, hija importanti għall-kooperazzjoni fl-Artiku. Is-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (NDEP) ukoll taqdi rwol ċentrali fl-Artiku, anke minħabba l-fatt li pprovdiet qafas għat-tindif b’suċċess tal-iskart radjuattiv fil-Peninsula Kola. It-tielet laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin tad-Dimensjoni tat-Tramunatana saret fi Frar 2013 fi Brussell (22). Il-Kunsill tan-Negozju tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (23) jaħdem l-iżjed biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-investiment fir-reġjun u jagħmlu iżjed kompetittiv. L-Istati Uniti u l-Kanada għandhom status ta’ osservaturi fil-laqgħat tad-Dimensjoni tat-Tramuntana.

4.7

Id-deputati parlamentari fil-pajjiżi tar-reġjun Artiku jipparteċipaw fil-forums kollha msemmija għall-kooperazzjoni, u jikkooperaw ukoll b’mod regolari permezz tal-Konferenza tad-Deputati Parlamentari tar-Reġjun Artiku (Conference of Parliamentarians of the Arctic Region – CPAR).

4.8

Is-sitt forums għall-kooperazzjoni għall-popli indiġeni tar-reġjun jikkooperaw fuq bażi regolari.

4.9

Il-Fondazzjoni Internazzjonali Polari (IPF) iżżomm ħajja l-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-partijiet interessati fil-kwistjonijiet tal-Artiku, u f’Settembru 2012 organizzat is-Simpożju dwar il-Futur tal-Artiku 2012 fil-kwartieri tal-Kumitat tar-Reġjuni.

5.   Linji gwida għall-kooperazzjoni reġjonali

5.1

Il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġjun tal-Artiku hija mibnija kemm jista’ jkun fuq ftehimiet internazzjonali u sseħħ f’forums internazzjonali.

5.2

L-aktar ftehim internazzjonali importanti li jikkonċerna r-reġjun tal-Artiku huwa l-Konvenzjoni tan-NU tal-1982 dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) (24), li tittratta ż-żoni tal-oċeani u tal-ibħra bejn Stati indipendenti, u li taħtu twaqqfet il-Kummissjoni dwar il-Limiti tal-Blata Kontinentali (CLCS).

5.3

Permezz ta’ dawn il-ftehimiet, l-Istati bi fruntiera fuq l-Oċean Artiku fittxew li jilħqu fehim komuni dwar il-limiti tal-ilmijiet territorjali reġjonali u ż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom (inklużi 200 mil nawtiku lil hinn mill-blata kontinentali). Qed isir sforz biex jiġi evitat it-tilwim territorjali, iżda hemm xi punti ta’ diżgwid ġeografiku li għadhom ma ġewx solvuti. Hemm il-periklu li t-tilwim jiżdied. Fl-2008, l-Istati kostali ħarġu dikjarazzjoni konġunta f’Ilulissat, il-Groenlandja li enfasizzat id-dritt sovran tal-pajjiżi kollha firmatarji li jirregolaw l-attività ekonomika fiż-żona ekonomika esklużiva tagħhom.

5.4

L-iżvilupp ta’ passaġġi potenzjali għat-tbaħħir – il-Passaġġ tal-Majjistral (li jgħaddi miż-żona ekonomika esklużiva tal-Kanada) u r-Rotta tal-Baħar tat-Tramuntana (li tgħaddi miż-żona ekonomika esklużiva tar-Russja) – kif ukoll il-faċilitajiet, il-kundizzjonijiet u s-sigurtà biex dawn jintużaw qed jiġu studjati b’mod estensiv u diskussi f’diversi forums għall-kooperazzjoni. L-għan hu li jintlaħaq l-aħjar fehim kondiviż possibbli bejn il-partijiet dwar il-prinċipji li jirregolaw l-użu u l-ġestjoni ta’ dawn ir-rotot. Jeżistu ftehimiet internazzjonali dwar is-suġġett, bħall-ftehim dwar id-dritt għal passaġġ innoċenti tal-UNCLOS u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) (25), filwaqt li bħalissa għaddejja ħidma dwar Kodiċi Polari tal-IMO.

5.5

Il-kwistjonijiet marbutin mat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli għandhom importanza partikolari fl-Artiku. Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC)  (26) għadha punt tat-tluq prinċipali għar-relazzjonijiet internazzjonali. Dan ikollu implikazzjonijiet importanti ħafna għall-Artiku wkoll.

Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP)  (27) nieda l-programm proprju tiegħu għall-monitoraġġ tal-Artiku.

5.6

Il-gruppi favur il-ħarsien tal-ambjent jipparteċipaw b’mod attiv f’din il-ħidma. Il-grupp Greenpeace ippropona li ma għandux ikun hemm attività ekonomika mingħajr l-ebda riżerva fl-Artiku mingħajr qbil preċedenti dwar il-prinċipji għall-ħarsien tar-reġjun.

6.   L-attività tal-UE u l-iżvilupp tal-politika dwar l-Artiku

6.1

L-UE għandha interessi importanti ta’ natura ġeopolitika, ambjentali u ekonomiċi fl-Artiku u dawn qed jikbru. L-UE hija msieħba fil-kooperazzjoni fir-reġjun, anke minħabba l-Istati Membri Artiċi tagħha.

6.2

Il-politika tal-UE dwar l-Artiku għadha qed tissawwar. Ingħatat spinta fl-2008, l-iżjed fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew (28). Il-Kummissjoni ħarġet żewġ pubblikazzjonijiet (fl-2008 u fl-2012) dwar il-kwistjoni (ara n-noti 2 u 7 f’qiegħ il-paġna). Il-Kunsill tal-Ministri ħareġ żewġ Riżoluzzjonijiet (fl-2008 u fl-2009) (29). Il-Kunsill iddiskuta l-qagħda attwali fil-laqgħa tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2013.

6.3

Fl-2008 u f’Ġunju 2012, l-UE ħabbret l-intenzjoni tagħha li tadotta approċċ komprensiv għall-politika dwar l-Artiku, u li ser tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin:

il-ħarsien tal-ambjent tal-Artiku bil-kooperazzjoni tal-popolazzjoni tiegħu

il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni internazzjonali, b’enfasi fuq l-importanza tal-ftehimiet internazzjonali.

Illum il-ġurnata l-politika hija bbażata fuq tliet aspetti ewlenin: l-għarfien, ir-responsabbiltà u l-impenn.

6.4

Ir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi Artiċi jkopru wkoll il-kooperazzjoni fir-reġjun. L-UE għandha ftehim separat mal-Groenlandja, u d-Dimensjoni tat-Tramuntana multilaterali taqdi wkoll rwol ewlieni fl-Artiku.

6.5

Bosta programmi attwali tal-UE jistgħu jiġu applikati wkoll għar-reġjun tal-Artiku. Tul l-2007-2013, l-UE investiet madwar EUR 1,4 biljun biex tippromovi l-iżvilupp sostenibbli fl-Artiku u r-reġjuni ġirien. Il-kooperazzjoni fir-riċerka xjentifika ngħatat prijorità: is-sitt ftehim qafas li tnieda fl-2002 inkluda proġetti marbuta mal-Artiku. F’dawn l-aħħar snin, l-UE investiet ’il fuq minn EUR 200 miljun fir-riċerka marbuta mal-Artiku, u qed tipparteċipa f’bosta proġetti konġunti, l-aktar bħala parti mis-Seba’ Programm Kwadru għall-Attivitajiet ta’ Riċerka  (30). Teżisti kooperazzjoni li taħdem tajjeb u tiffaċilita n-netwerking bejn id-diversi istituti tar-riċerka (kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha). Ġew elenkati l-proġetti ewlenin ta’ riċerka għall-perjodu 2008-2012 u l-programmi ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni reġjonali għall-perjodu 2007-2013 (31) Twettqu għadd ta’ proġetti fl-Artiku fil-qafas tal-politika reġjonali tal-UE, il-programmi tagħha Interreg u dak dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Linji Gwida tagħha dwar l-Għajnuna Reġjonali u l-ENPI.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u t-TEN-T ma jkoprux l-Artiku. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tinvestiga kif tista’ tiġi organizzata l-informazzjoni dwar ir-riċerka marbuta mal-Artiku fl-UE. Qed jiġi kkunsidrat Ċentru tal-UE għall-Informazzjoni dwar l-Artiku.

6.6

L-UE tieħu sehem fid-Dimensjoni tat-Tramuntana u hija membru tal-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents. Hija osservatur ad hoc fil-Kunsill tal-Artiku u applikat għall-istatus ta’ osservatur permanenti. L-UE issa ilha tipparteċipa għal xi snin b’mod sħiħ fl-attivitajiet tad-diversi Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill.

6.7

L-MEPs jattendu l-Konferenza tad-Deputati Parlamentari tar-Reġjun Artiku (ara l-punt 3.3.7) u jieħdu sehem fil-kooperazzjoni parlamentari tal-erba’ kunsilli reġjonali tat-Tramuntana u d-Dimensjoni tat-Tramuntana. Il-Parlament Ewropew ħareġ żewġ Riżoluzzjonijiet dwar l-Artiku (fl-2008 u fl-2011) (ara n-nota 9 f’qiegħ il-paġna u P6_TA(2008)0474).

6.8

L-UE stabbilixxiet djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet fir-reġjun li jirrappreżentaw il-popli indiġeni u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili, u tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni Polari Internazzjonali.

6.9

Il-KESE ħareġ opinjonijiet li jittrattaw il-kooperazzjoni relatata mal-Artiku, fosthom Opinjonijiet dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana, il-politika reġjonali u marittima, l-iżvilupp sostenibbli u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien. L-UE għandha relazzjonijiet istituzzjonali mas-soċjetà ċivili fin-Norveġja, l-Islanda u r-Russja (permezz tal-kumitat konsultattiv taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-Kumitat Konsultattiv Konġunt tal-Islanda u l-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa), u organizzat żewġ forums għas-soċjetà ċivili fil-qafas tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (fl-2002 u fl-2006) kif ukoll laqgħa tal-partijiet interessati b’rabta mal-laqgħa ministerjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana fi Frar 2013.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  L-Università tal-Lapponja hija l-università li l-iżjed tinsab fit-Tramuntana tal-UE, www.ulapland.fi; www.arcticcentre.org

(2)  Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar “L-iżvilupp ta’ Politika tal-Unjoni Ewropea rigward ir-Reġjun Artiku: il-progress mill-2008 u l-passi li jmiss”, Brussell, JOIN(2012) 19 final, 26.6.2012.

(3)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2011 dwar “Politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema”, P7_TA(2011)0024, p. 52.

(4)  Norsk Polarinstitutt, www.npolar.no, u Matthews, J.A.:The Encyclopedia of Environmental Change (L-Enċiklopedija tat-Tibdil fil-Klima), Sage, Londra 2013.

(5)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 133, 09.05.2013, p. 41.

(6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku”, COM(2008) 763 final, 20.11.2008.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet dwar l-Artiku, l-2985 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, 8 ta’ Diċembru 2009.

(8)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “Politika sostenibbli tal-UE għat-Tramuntana Estrema”, 20.1.2011.

(9)  Għal informazzjoni aġġornata dwar ir-reġjun tal-Artiku u l-governanza tiegħu, ara “Arctic Governance: balancing challenges and development”, Regional Briefing, (Il-governanza tal-Artiku: il-bilanċ tal-isfidi u l-iżvilupp, nota reġjonali) Parlament Ewropew, DĠ għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, Dipartiment tal-Politika. Fernando Garcés de los Fayos, DG EXPO/B/polDep/Note/2012_136, Ġunju 2012.

(10)  www.lapinliitto.fi

(11)  Pereżempju, http://www.arcticbusinessforum.org

(12)  Valutazzjoni tal-Impatt tal-Artiku, ACIA.

(13)  In-Norveġja: The High North: visions and strategies, 2011; ir-Russja: The Russian Federation’s main state policy in the Arctic until 2020 and beyond 2008; il-Kanada: Canada’s Northern Strategy: Our North, Our Heritage, Our Future, 2009; l-Isvezja: The Arctic: Sweden’s strategy for the region, 2012; l-Istati Uniti: US: Arctic Region Policy, 2009; il-Finlandja: Finland’s Strategy for the Arctic Region, 2011; id-Danimarka, il-Groenlandja u l-Gżejjer Faroe: Kingdom of Denmark Strategy for the Arctic 2011-2020, 2011; l-Islanda: http://www.utanrikisraduneyti.is.

(14)  Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tan-Nato Nru 396.

(15)  www.arctic-council.org

(16)  Is-Segretarjat għall-Popli Indiġeni tal-Kunsill tal-Artiku (The Arctic Council Indigenous Peoples Secretariat –IPS), www.arcticpeoples.org

(17)  www.beac.st

(18)  www.beac.st

(19)  www.norden.org

(20)  www.cbss.org

(21)  http://eeas.europa.eu/north_dim/index_en.htm

(22)  www.consilium.europa.eu 6597/13

(23)  http://www.northerndimension.info/component/content/article/10-innerpage/9-ndbc

(24)  www.UN.org

(25)  www.imo.org

(26)  www.UN.org

(27)  www.unep.org

(28)  Riżoluzzjoni P6 TA(2008)0474, 9.10.2008.

(29)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet dwar l-Artiku, l-2985 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, 8 ta’ Diċembru 2009. Ara wkoll in-nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(30)  Is-Seba’ Programm Kwadru għall-Attivitajiet ta’ Riċerka.

(31)  SWD(2012) 182, Anness I, u Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, Anness II (mhux disponibbli bil-Malti).


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-489 sessjoni plenarja tas-17 u t-18 ta’ April 2013

10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa”

COM(2012) 722 final

2013/C 198/05

Relatur: is-Sur Dandea

Nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

COM(2012) 722 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16, is-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa favur il-pjan imressaq mill-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-frodi u l-evażjoni fiskali. Ma jista’ jsir l-ebda progress ġenwin ħlief jekk l-Istati Membri jagħtu iktar attenzjoni biex tiżdied l-effikaċja tas-servizzi fiskali, billi jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti u jiżguraw il-koordinazzjoni aħjar tagħhom.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fl-analiżi annwali tat-tkabbir u s-Semestru Ewropew jintegraw it-temi tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u anki l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, u biex jimplimentaw miżuri speċifiċi li jiġġieldu kontra dawn il-fenomeni, b’tali mod li jiġi żgurat il-progress rigward il-ħlas u l-ġbir tat-taxxi, biex isiru iktar ekwitabbli, tittejjeb ir-ridistribuzzjoni u jiġi miġġieled aħjar il-faqar.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni li tistabbilixxi lista sewda tal-pajjiżi li joperaw bħala rifuġji fiskali, li ma jirrispettawx il-prinċipji tal-governanza tajba fil-qafas fiskali, u jitlob li l-kriterji komuni li jippermettu li jiġu identifikati dawn il-pajjiżi u t-territorji jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, sabiex jiġi evitat li jiġu applikati b’mod differenti fil-livell nazzjonali. Il-kontenut ta’ din il-lista sewda m’għandux ikun limitat għal pajjiżi terzi, imma għandu jinkludi wkoll it-territorji jew il-ġurisdizzjonijiet li jagħmlu parti mill-Istati Membri u l-intrapriżi li joperaw f’dawn iż-żoni.

1.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkompleta l-proposti tagħha għal din il-lista sewda b’sanzjonijiet kontra intrapriżi, pereżempju biex dawn jiġu esklużi mill-akkwist pubbliku jew milli jieħdu fondi mill-UE jew għajnuna mill-Istat.

1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, minħabba li tagħmel il-ħsara lill-bażi fiskali u tobbliga lill-Istati Membri jgħollu t-taxxi, fiha nnifisha hija prattika immorali b’impatt serju fuq it-tħaddim tas-suq intern u xxekkel il-kunċett ta’ ġustizzja tas-sistema fiskali għall-kontribwenti. Minħabba l-kumplessità ta’ dan il-fenomenu, jeħtieġ li l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-regolament ġenerali kontra l-abbuż u d-definizzjoni tal-ftehimiet bilaterali artifiċjali jiġu ċċarati biżżejjed, b’tali mod li jkunu faċli li jiġu applikati mill-Istati Membri kollha.

1.6

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex jiġu negozjati l-ftehimiet dwar il-governanza tajba fil-qasam fiskali mal-pajjiżi ġirien tal-UE. Huwa jirrakkomanda lill-Kunsill li jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tmexxi dawn in-negozjati, peress li dawn l-istrumenti jistgħu jkunu ferm utli biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jassumu l-kompitu li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Qafas ġuridiku semplifikat u iktar armonizzat fil-qasam fiskali, kapaċi li jiżgura taxxi ġusti, u kompletat minn strumenti li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni moderna għall-verifika, il-kontroll u l-iskambju tal-informazzjoni, jista’ wkoll inaqqas b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lill-Istati Membri biex ma jżommux id-differenzi kbar bejniethom fil-livelli ta’ intaxxar dirett jew indirett, ħaġa li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fiskali.

1.9

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li tintroduċi sistema Ewropea tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (Tax Identification Number). Il-KESE jtenni t-talba li kien diġà indirizza lill-Istati Membri f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu, biex tiġi armonizzata s-sistema ta’ taxxi indiretti. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti f’dan is-sens. Tali armonizzazzjoni, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ sistema Ewropea dwar in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (NIT), tippermetti li jitnaqqas sew il-frodi karużell.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u anki l-fatt li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi b’metodu ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, iwasslu għal inugwaljanzi dejjem ikbar ikkawżati mill-kriżi ekonomika u l-programmi tal-awsterità, u jirrappreżentaw theddida kbira għall-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw tħaddim effikaċi tas-sistemi fiskali, kif ukoll il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi, ir-ridistribuzzjoni tal-benesseri u l-ġlieda kontra l-faqar, u li jiġi evitat il-ħolqien ta’ kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Huwa stmat li t-telf għall-Istati Membri jammonta għal iktar minn EUR 1 000 biljun fis-sena (1).

2.2

Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropa biex ifasslu mezzi konkreti għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

2.3

F’Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni (2) fejn indikat kif jistgħu jiġu rispettati aħjar l-obbligi fiskali u kif jistgħu jitnaqqsu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni ħabbret il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex tiġi kkonsolidata l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

2.4

F’Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni mħabbar, li jkopri kemm l-inizjattivi li ttieħdu reċentement kif ukoll miżuri ġodda li jistgħu jiġu implimentati fil-perjodu l-qasir kif ukoll fit-tul. Dan il-pjan huwa akkumpanjat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (3), kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva (4).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE huwa favur il-pjan imressaq mill-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-frodi u l-evażjoni fiskali (5). Madankollu, il-Kumitat jesprimi x-xettiċiżmu tiegħu rigward l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-miżuri proposti, fid-dawl tad-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri, li jwasslu għad-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tnaqqis li qed isir fil-maġġoranza tal-Istati Membri fir-riżorsi finanzjarji u umani tal-amministrazzjonijiet fiskali (6), minħabba l-miżuri ta’ awsterità applikati f’dawn l-aħħar snin, jirrappreżenta ostaklu kbir għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda. Ma jista’ jsir l-ebda progress ġenwin ħlief jekk l-Istati Membri jagħtu iktar attenzjoni biex tiżdied l-effikaċja tas-servizzi fiskali, billi jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti u jiżguraw il-koordinazzjoni aħjar tagħhom.

3.2

Biċċa kbira minn dan it-telf li l-ekonomija sotterranja tiġġenera għas-sistemi fiskali hija dovuta għall-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-Kummissjoni tagħraf li din il-prattika tisfrutta n-nuqqas ta’ koerenza li hemm bejn is-sistemi fiskali ta’ żewġ Stati Membri jew iktar; filwaqt li tali prattika hija meqjusa leġittima fil-livell globali, din tmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, peress li hija ta’ ħsara għall-bażi fiskali u tobbliga lill-Istati Membri jgħollu t-taxxi, fiha nnifisha hija prattika immorali b’impatt serju fuq it-tħaddim tas-suq intern - billi tiskoraġġixxi l-kompetizzjoni effettiva bejn l-intrapriżi b’mod ġenerali, u b’mod partikolari bejn l-SMEs - u xxekkel il-kunċett ta’ ġustizzja fis-sistema fiskali għall-kontribwenti.

3.3

Il-KESE bi pjaċir jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, iżda huwa tal-fehma li l-miżuri proposti għall-ġlieda kontra din il-prattika mhumiex biżżejjed. Minħabba l-kumplessità tal-fenomenu (il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva), jista’ jkun diffiċli li, fil-qafas tal-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri, tiġi applikata r-regola ġenerali kontra l-abbuż u li jiġu definiti ftehimiet bilaterali artifiċjali. Fl-istess ħin, il-KESE jaħseb li dawn il-miżuri jwasslu għal aktar problemi ta’ implimentazzjoni għall-Istati Membri milli kieku dawn itemmu minnufih dawn il-ftehimiet, partikolarment dawk li jinvolvu ġurisdizzjonijiet ġeneralment meqjusa bħala rifuġji fiskali jew li ma jirrispettawx l-istandards minimi tal-governanza tajba fil-qasam fiskali.

3.4

Il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri li jadottaw ġabra ta’ kriterji li permezz tagħhom jiġu identifikati l-pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istandards minimi tal-governanza tajba fil-qasam fiskali, u li dawn il-pajjiżi jitqiegħdu fuq lista sewda. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-miżura għandha tkopri wkoll il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri, kif ukoll l-intrapriżi li jkomplu jwettqu tranżazzjonijiet li jinvolvu lil entitajiet minn dawn it-territorji.

3.5

Il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ proposti għal modifika ta’ ċerti direttivi (7) biex tikkorreġi l-lakuni li jistgħu jħeġġu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Kunsill jagħtiha mandat biex tinnegozja ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi ma’ erba’ pajjiżi terzi ġirien u biex tiffirma l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u Liechtenstein min-naħa l-oħra. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill jikkunsidra dawn il-proposti mill-iktar fis, peress li dawn l-istrumenti jistgħu jkunu ferm utli fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali.

3.6

Il-KESE jqis li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jassumu l-kompitu li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Qafas ġuridiku semplifikat u iktar armonizzat fil-qasam fiskali, kapaċi li jiżgura taxxi ġusti, u akkumpanjat minn strumenti li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni moderna għall-verifika, il-kontroll u l-iskambju tal-informazzjoni, jista’ wkoll inaqqas b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Dan għandu jippermetti li jittaffa l-piż amministrattiv u fiskali fuq l-intrapriżi u ċ-ċittadini, b’vantaġġi diretti għad-dħul fil-finanzi pubbliċi.

3.7

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lill-Istati Membri biex ma jżommux id-differenzi kbar bejniethom fil-livelli ta’ intaxxar dirett jew indirett, ħaġa li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fiskali. Min-naħa tiegħu il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-korrelazzjoni diretta bejn il-livell ta’ taxxi u l-evażjoni tat-taxxa. Ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva tista’ twassal għal tnaqqis fil-livell ġenerali tal-intaxxar, għall-benefiċċju tal-kontribwenti kollha.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kummissjoni tagħraf li, b’kunsiderazzjoni tal-libertà li għandhom biex joperaw fis-suq intern, l-intrapriżi jistgħu jistabbilixxu ftehimiet mal-ġurisdizzjonijiet meqjusa bħala rifuġji fiskali, billi jagħżlu l-Istat Membru l-inqas reattiv. Dan il-fenomenu jwassal għat-tnaqqis fil-bażi fiskali tal-Istati Membri u jikkomprometti l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-intrapriżi b’mod ġenerali, u b’mod partikolari bejn l-SMEs, billi joħloq id-distorsjonijiet fit-tħaddim tas-suq intern. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju lista sewda ta’ intrapriżi li jippromovu l-prattiki ta’ dan it-tip. Fost miżuri oħra applikati fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li jissospendu d-drittijiet ta’ dawn l-intrapriżi milli jieħdu sehem fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, jew anke li jirrifjutaw, jekk hemm bżonn, li jagħtuhom l-għajnuna mill-Istat mitluba.

4.2

Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva hija responsabbli għal nofs it-telf reġistrat mill-Istati Membri minħabba prattiki speċifiċi tal-ekonomija sotterranja. Il-KESE jqis li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni (8) għall-ġlieda kontra dawn il-prattiki mhumiex suffiċjenti u jirrakkomanda li l-klawżola kontra l-abbuż u d-definizzjoni tal-ftehimiet artifiċjali jiġu definiti b’mod aktar konkret, b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu b’mod rapidu għall-implimentazzjoni tagħhom mingħajr ma jinħolqu sitwazzjonijiet kumplessi fil-livell tal-ġurisdizzjonijiet, fil-każ ta’ proċeduri fil-qorti relatati mal-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva.

4.3

Il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq pjattaforma għall-governanza fiskali tajba hija utli. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni tistieden ukoll lill-imsieħba soċjali biex jieħdu sehem f’din il-pjattaforma, l-iktar dawk li għandhom membri li huma ħaddiema mill-amministrazzjonijiet finanzjarji, li għandhom esperjenza vasta fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa. Huwa daqstant neċessarju li jiġi speċifikat kif il-pjattaforma ser tinteraġixxi mal-istrutturi l-oħra li joperaw fil-qasam fiskali fil-livell Ewropew.

4.4

Fil-qafas tan-negozjati, koordinati mill-OECD, dwar il-kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-taxxi tal-intrapriżi, il-Kummissjoni tipproponi li tittieħed azzjoni biex jitneħħew mid-direttivi eżistenti d-dispożizzjonijiet eżistenti li f’ċerti sitwazzjonijiet joffru l-possibbiltajiet ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva jew li jżommu milli jinstabu soluzzjonijiet adatti billi jippermettu n-non-tassazzjoni doppja. Il-KESE bi pjaċir jinnota din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jirrakkomanda li dawn il-miżuri jittieħdu mill-iktar fis possibbli.

4.5

Il-Kummissjoni tipproponi li tiżdied il-ħidma fis-sistemi fiskali partikolari mmirati lejn il-persuni li jkunu telqu minn pajjiżhom (expats) u l-persuni sinjuri, li jagħmlu ħsara lit-tħaddim tas-suq intern u jnaqqsu d-dħul fiskali globali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu dawn l-iskemi speċjali għat-taxxa. Il-KESE jtenni wkoll t-talbiet tiegħu (li diġà ressaq f’Opinjonijiet (9) oħra indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-UE) biex jittieħdu miżuri għall-impediment tar-rikors abbużiv għall-prinċipju tar-residenza fil-qafas tas-sistemi tal-proprjetà u domiċiljazzjoni fittizji li permezz tagħhom kumpaniji fittizji jew kumpaniji holding mingħajr l-ebda attività jippermettu lis-sidien tagħhom li jevitaw li jiġu intaxxati fil-pajjiż fejn ikunu domiċiljati.

4.6

Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-portal “NIT Ewropa”. Dan l-istrument jippermetti kull parti terza, b’mod partikolari l-entitajiet finanzjarji, jidentifikaw u jirreġistraw malajr, faċilment u b’mod korrett in-numri ta’ identifikazzjoni tal-persuna li tħallas it-taxxa. Barra minn hekk, dan l-istrument jista’ jintuża biex tittejjeb l-effikaċja tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. B’kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li tiddaħħal sistema ta’ NIT Ewropea, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li kien diġà indirizza lill-Istati Membri f’bosta Opinjonijiet, li s-sistema tat-taxxi indiretti tiġi armonizzata. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti f’dan is-sens. Tali armonizzazzjoni, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ NIT Ewropea tippermetti li jitnaqqas sew il-frodi karużell, u fil-futur din l-għodda tista’ ssir identifikatur uniku tal-kontribwenti għal kull tip ta’ taxxa.

4.7

Il-Kummissjoni bdiet il-ħidma tagħha fl-istandardizzazzjoni tal-formoli għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam fiskali. Diġà ġiet żviluppata applikazzjoni tal-IT għall-ġestjoni ta’ dan it-tip ta’ formoli fil-lingwi kollha tal-Unjoni; din saret disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2013. Il-KESE jagħraf li dawn il-formati l-ġodda jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membil fil-qasam tat-taxxi, l-iktar fejn l-iżvilupp ta’ sistema tal-IT tippermetti l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

4.8

Il-KESE japprezza b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-direttiva tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji u li teżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet kontra l-abbuż li jinsabu f’direttivi oħra. Din ir-reviżjoni hija neċessarja biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni biex din ir-reviżjoni tkun tista’ sseħħ f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fil-qafas ta’ din ir-reviżjoni għandu jiddaħħal l-obbligu għall-intrapriżi multinazzjonali li jkollhom kontabilità separata għal kull pajjiż li fih ikollhom attività, u li għal kull wieħed minnhom jiġi speċifikat il-volum tal-produzzjoni mwettqa u l-qligħ miksub. Il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kontabilità f’din il-forma tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li jabbużaw mill-prezz tat-trasferimenti jew li jippromovu l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tinħoloq regolamentazzjoni għat-tassazzjoni tal-qligħ tal-intrapriżi, ibbażata fuq korp ta’ regoli komuni.

4.9

Il-KESE jilqa’ l-isforzi mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-istrumenti tal-IT żviluppati mill-UE fil-qafas tal-OECD. Li kieku l-OECD tapprova l-formoli elettroniċi żviluppati għall-iskambju spontanju tal-informazzjoni u l-provvediment tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, dawn l-istrumenti jkunu ferm utli u effikaċi għall-ġlieda kontra l-każijiet serji ta’ frodi jew evażjoni tat-taxxa.

4.10

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita kodiċi Ewropea ta’ kontribwenti li tiġbor l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell tal-Istati Membri, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u l-kontribwenti b’tali mod li tiġi żgurata iktar trasparenza fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-kontribwenti u li jiġi promoss approċċ ibbażat fuq is-servizzi. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li semplifikazzjoni tas-sistemi fiskali jkollha l-effett li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kontribwenti u żżid il-fiduċja min-naħa tagħhom. L-Istati Membri għandhom jipprevedu tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-kontribwenti tajba, kemm persuni fiżiċi u kemm intrapriżi, u żieda fil-piż għal min jikser il-liġi. Huwa magħruf sew li ġeneralment, l-intrapriżi involuti fl-attivitajiet relatati mal-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva huma intrapriżi multinazzjonali kbar.

4.11

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri li jippromovu approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz, fejn il-kontribwenti, residenti jew non-residenti jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar it-taxxi. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni u jqis li tali approċċ jippermetti biex tiġi eliminata parti mill-ostakli li jiffaċċjaw il-kontribwenti li jwettqu operazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, biċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni eżistenti permezz ta’ punt uniku ta’ servizz f’kull Stat Membru, il-Kummissjoni tkun tista’ tiżviluppa portal web dwar it-taxxi fil-livell Ewropew, bħall-mudell tal-portal e-Justice.

4.12

Il-Kummissjoni tipproponi li abbażi tal-esperjenza li takkumula l-Eurofisc fil-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, bis-saħħa tal-iskambju rapidu tal-informazzjoni, fil-ġejjieni dan in-netwerk jista’ jiġi estiż għall-qasam tat-tassazzjoni diretta. Il-KESE jqis li l-estensjoni tal-Eurofisc għat-tassazzjoni diretta tippermetti l-ikkompletar tal-istrumenti kollha tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva li diġà jeżistu fil-livell Ewropew.

4.13

Il-KESE huwa favur l-idea li tiġi allinjata d-definizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ reati fiskali, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, għal kull tip ta’ taxxa. Jekk it-tali allinjament jitwettaq, ikun possibbli li l-intrapriżi jiġu skoraġġuti milli jagħżlu l-Istati Membri l-inqas reattivi biex jiżviluppaw l-operazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi eżaminat jekk allinjament ta’ dan it-tip huwiex opportun.

4.14

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ azzjonijiet potenzjali, li fil-fehma tal-Kunsill ma kinux prijorità. Il-KESE jqis li l-garanzija ta’ aċċess dirett għall-bażijiet ta’ informazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxi diretti, li hija waħda mill-proposti tal-Kummissjoni, hija waħda mill-istrumenti l-iktar b’saħħithom għall-benefiċċju tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi evalwata l-possibbiltà li jitħejja strument legali uniku għall-kooperazzjoni amministrattiva għat-taxxi kollha. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti tal-Kummissjoni, li jistgħu jżidu l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2012) 351 final, p.2.

(2)  COM(2012) 351 final.

(3)  C(2012) 8805 final.

(4)  C(2012) 8806 final.

(5)  Il-Kumitat kemm-il darba ddikjara li hu favur miżuri maħsubin biex jitnaqqsu l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa: “Mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT” (ĠU C 11, 15.1.2013, p.31), “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud” (ĠU C 347, 18.12.2010, p.73), “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (ĠU C 255, 22.9.2010, p.61).

(6)  “Impact of austerity on jobs in tax services and the fight against tax fraud and avoidance in EU-27 + Norway” - Rapport ikkummissjonat mill-EPSU, imwettaq minn Lionel Fulton tal-Labour Research Department, http://www.lrd.org.uk/, Marzu 2013. Ara l-Appendiċi.

(7)  COM(2008) 727 final - 2008/0215 (CNS); COM(2012) 428 final - 2012/0205 (CNS).

(8)  C(2012) 8806 final.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE INT/587, pġ. 1, ĠU C 229, 31.7.2012., p.7.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE”

COM(2012) 537 final

2013/C 198/06

Relatur: is-Sur PEZZINI

Korelatur: is-Sur KONSTANTINOU

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE.

COM(2012) 537 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’175 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat huwa konvint li għall-Ewropa l-kultura u l-kreattività huma:

il-pedament tal-valuri li fuqhom tistrieħ l-identità tal-UE u tal-mudell tagħha ta’ ekonomija soċjali tas-suq;

binomju li jġib suċċess fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u produttiv ta’ kwalità fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

elementi ewlenin ta’ vantaġġ kumparattiv tal-valur miżjud Ewropew fid-disinn, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-konsum ta’ oġġetti materjali u immaterjali;

fattur ewlieni, li jwassal għall-kompetittività, li jmiss is-setturi ekonomiċi u soċjali kollha;

bażi b’potenzjal qawwi ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar;

simbolu internazzjonali li jippreżenta l-prestiġju u l-oriġinalità tal-UE fid-dinja.

1.2

Il-KESE jqis li quddiem l-importanza dejjem ikbar tar-rwol tas-setturi kulturali u kreattivi fl-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea u fil-projezzjoni internazzjonali tagħha hemm bżonn ta’ strateġija fuq żmien medju u twil li tassigura:

dimensjoni soċjali soda u koerenti tas-setturi kulturali u kreattivi, li tkun tista’ toħloq definizzjonijiet u kwalifiki ġodda għall-professjonijiet attwali, tassigura kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u tippromovi potenzjali moħbija, u li tkun kapaċi:

tisfrutta l-potenzjal kollu tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi u tiggarantixxi xogħol ta’ kwalità f’qafas ta’ difiża tad-drittijiet bażiċi;

tiddefinixxi mill-ġdid u toħloq kwalifiki ġodda għall-kompetenzi professjonali li jeżistu;

tnaqqas l-obbligi amministrattivi u burokratiċi għall-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-ħaddiema awtonomi;

takkumpanja l-proċessi ta’ riorganizzazzjoni u ta’ ristrutturazzjoni, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet u tad-dinjità tal-persuni, b’miżuri ta’ taħriġ u ta’ kwalifikazzjonijiet ġodda, u f’qafas trasparenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema;

tippromovi djaloġu soċjali strutturat għas-setturi kulturali u kreattivi b’mod globali, fil-livell Ewropew, nazzjonali u dak tal-intrapriża;

tiddefinixxi qafas regolamentarju Ewropew adegwat, kapaċi jħares id-diversità kulturali u ta’ għażla, inaqqas il-piżijiet amministrattivi u jiffaċilita l-mobbiltà interna fl-UE u fil-livell internazzjonali.

dimensjoni teknoloġika u ta’ valur miżjud kreattiv, li tħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fil-livell tas-suq intern, kif ukoll, u fuq kollox, fil-livell internazzjonali; tippromovi r-riċerka ta’ teknoloġiji ġodda u applikazzjonijiet innovattivi ta’ prodotti u proċessi; tappoġġja bi sħiħ il-proċessi l-ġodda u l-opportunitajiet diġitali l-ġodda, b’marka tal-kwalità Ewropea; li tiżgura l-iżvilupp ta’ katina ta’ valur, permezz ta’ netwerks u sistemi komuni ta’ distribuzzjoni.

dimensjoni ta’ djalogu territorjali mas-soċjetà ċivili, li tapplika skemi ta’ djalogu strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u territorjali għas-setturi kulturali u kreattivi; tippromovi l-iżvilupp ta’ dawn is-setturi, meħtieġa biex it-territorju jingħata vitalità ġdida u jissaħħu l-kwalifiki ta’ dawk li għandhom talenti espressivi u kreattivi, tal-professjonijiet intellettwali u tax-xogħol.

dimensjoni internazzjonali tal-Ewropa kreativa u kulturali, b’konformità mal-impenji internazzjonali li ttieħdu fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-diversità kulturali, li tkun taf tuża mudelli ġodda ta’ negozju li jintegraw id-disinn fil-katina tal-valur u l-atturi kollha jkunu jistgħu jżidu l-valur tal-prodotti u l-proċessi li jkunu jistgħu jiġu identifikati bħala eżempji tal-eċċellenza Ewropea fis-swieq globali; li tħares ix-xogħlijiet tagħhom mill-piraterija u mill-kontrafazzjoni bi strumenti flessibbli, aċċessibbli u effikaċi;

dimensjoni finanzjarja u ta’ aċċess għall-kreditu li tkun tista’ tappoġġja l-inizjattivi tas-settur fis-suq intern u dak internazzjonali – anke permezz ta’ inċentivi fiskali, krediti tat-taxxa u t-tneħħija tat-taxxa doppja – u li tiggarantixxi strumenti adatti għall-karatteristiċi tas-settur fl-aċċess għall-kreditu, speċjalment fir-rigward tas-sistemi ta’ garanzija adatti għall-mikrointrapriżi u għall-proġetti ta’ natura immaterjali.

1.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-acquis communautaire għas-setturi kulturali u kreattivi, l-aktar fir-rigward tar-regoli relevanti għall-politika tal-kompetizzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-dritt għax-xogħol, u tal-ħarsien tal-klawsoli tal-ftehimiet internazzjonali li ntlaħqu bejn l-UE u pajjiżi terzi.

1.4

Il-Kumitat jipproponi lill-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltajiet u l-mezzi biex torganizza forum wiesa’ tal-partijiet interessati fis-setturi kulturali u kreattivi, biex permezz ta’ eżerċizzju ta’ previżjoni parteċipattiva, fost l-oħrajn, jiġu identifikati aħjar l-atturi kollha fil-qasam u jiġu stabbiliti l-punti li jistgħu jiffurmaw Pjan Strateġiku ta’ Azzjoni fuq perjodu medju u twil biex jiġu rilanċjati t-tkabbir u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Dan il-pjan ta’ azzjoni jrid ikun ibbażat fuq strateġija trasversali fil-livell lokali, reġjonali u dak Ewropew, bil-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-partijiet soċjali u s-soċjetà ċivili.

1.5

Il-Kumitat jitlob li minn issa jitniedu inizjattivi speċifiċi biex jiġġieldu kontra x-xogħol prekarju fis-setturi kulturali u kreattivi, biex jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwi tax-xogħol għall-ħaddiema kollha tas-settur, b’mod partikolari għall-impjiegi “indipendenti” jew anomali li jitwettqu b’sottokuntratti, speċjalment ix-xogħol intermittenti; biex kulħadd ikollu garanzija ta’ aċċess sikur u ugwali għan-netwerk diġitali.

1.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li l-qafas regolamentarju jiġi adattat għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-setturi, speċjalment fl-oqsma tal-proprjetà intellettwali, tas-simplifikazzjoni amministrattiva u fiskali u tat-trattament ugwali fir-rigward tal-VAT bejn il-komunikazzjoni bl-istampa u dik diġitali speċjalment għall-intrapriżi ż-żgħar f’dan is-settur.

1.7

Fil-fehma tal-KESE, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinħoloq djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili ffukat fuq iċ-ċittadini, fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini.

2.   Is-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa

2.1

Is-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa jiffurmaw riżorsa strateġika essenzjali: l-eċċellenza u l-kompetittività tal-Ewropa f’dawn is-setturi huma r-riżultat tal-isforzi tal-artisti, l-awturi, id-disinjaturi, il-professjonisti u l-imprendituri, jiġifieri ta’ nies mogħnija b’talenti tradizzjonali u innovattivi kif ukoll b’ħiliet formali u informali li għandhom jiġu preżervati, promossi u użati.

2.2

Il-Kumitat diġà sab il-mod biex jenfasizza li “Hekk kif inhu rikonoxxut mill-Istrateġija Ewropa 2020, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol ċentrali fit-tkabbir, il-kompetittività u l-futur tal-UE u taċ-ċittadini tagħha. […] Barra minn hekk dawn huma ġeneraturi ta’ vantaġġ komparattiv li ma jistax jiġi riprodott xi mkien ieħor, fatturi għall-iżvilupp lokali u muturi tat-tibdil industrijali” (1).

2.3

Skont id-definizzjoni tal-Green Paper tal-2010 (2), kulturali “huma dawk l-industriji li jipproduċu u jqassmu oġġetti jew servizzi li fiż-żmien meta jkunu żviluppati jitqiesu li għandhom attribut, użu jew skop speċjali li jiġbor jew iwassal espressjonijiet kulturali, irrispettivament mill-valur kummerċjali li jista’ jkollhom” – b’konformità mal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 (3) – u huma kreattivi “dawk l-industriji li jużaw il-kultura bħala sors u għandhom dimensjoni kulturali, minkejja li l-prodotti tagħhom huma prinċipalment funzjonali. Dawn jinkludu l-arkitettura u d-disinn, li jintegraw elementi kreattivi fi proċessi usa’, kif ukoll sottosetturi bħalma huma d-disinn grafiku, il-moda jew ir-reklamar”.

2.4

L-identifikazzjoni tal-oqsma koperti mis-settur kulturali u/jew is-settur kreattiv s’issa għadha vaga (4) u b’hekk huwa diffiċli li jiġi deċiż kemm fil-fatt jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-prodott domestiku gross u għall-impjiegi.

2.5

Fil-kuntest tal-proposta tal-Programm Qafas “Ewropa Kreattiva” (5), li dwarha l-Kumitat diġà esprima ruħu (6), jiġu definiti bħala setturi kulturali u kreattivi “is-setturi kollha li l-attivitajiet tagħhom huma bbażati fuq valuri kulturali u/jew espressjonijiet artistiċi u kreattivi, irrispettivament jekk dawn l-attivitajiet humiex orjentati lejn is-suq jew le u mit-tip ta’ struttura li twettaqhom.” Dan għandu jinkludi b’mod espliċitu l-industriji editorjali u grafiċi, tal-karta stampata u diġitali.

2.6

Fl-2008, dawn is-setturi kienu jirrappreżentaw 4,5 % tal-PDG totali Ewropew u kienu jokkupaw madwar 3,8 % tal-forza tax-xogħol, jiġifieri aktar minn 8,5 miljun persuna (7).

2.7

Il-Parlament Ewropew qabel mad-definizzjoni ta’ hawn fuq u żied b’mod espliċitu l-mużewijiet u l-moda.

2.8

Anke jekk il-piż tas-setturi kulturali u kreattivi fil-produzzjoni ekonomika Ewropea jibqa’ kbir ħafna, u qed jikber, b’impatt sinifikanti fuq l-impjiegi (8), id-diversità tad-definizzjonijiet li jeżistu – minn dawk tal-WIPO u tal-OECD għal dawk tal-UNCTAD u tal-UNESCO sa dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, ma tippermettix li jsir xogħol fuq bażi sikura u fuq statistiċi internazzjonalment komparabbli: fl-UE jeżistu perċentwali tal-PDG li jvarjaw minn 2,6 % (Green Paper), għal 3,3 % (Programm “Ewropa Kreattiva”), għal 4,5 % (9) sa 6,5 % (Kunsill tal-Ewropa), u varjazzjoni li tmur minn iktar minn 5 miljun persuna għal 8,5 (10) sa kważi 18-il miljun (11).

2.9

Id-diversifikazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi Ewropej hija riflessa fil-karatteristiċi tal-istrutturi tas-settur, bil-preżenza qawwija ta’ intrapriżi ta’ daqs medju, żgħir u mikro, li jiffurmaw madwar 80 % tal-ambjent produttiv kollu. L-intrapriżi l-kbar jirrappreżentaw inqas minn 1 %, iżda huma responsabbli għal aktar minn 40 % tal-impjegati (12).

2.10

Din l-istruttura tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa toħloq problemi minn diversi aspetti: l-iżvilupp tal-kompetenzi, l-aċċess għall-finanzi, il-promozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ negozju, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-aċċess diffiċli għas-swieq internazzjonali u t-titjib tar-rabtiet ma’ setturi oħra, biex ma nsemmux id-diffikultà marbuta mar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki (formali u informali, eċċ) (13).

2.11

Jekk fl-Ewropa is-setturi li jiffurmaw in-nukleu mhux industrijali, jiġifieri l-oqsma tal-arti viżiva, l-arti tal-ispettaklu u l-patrimonju storiku-artistiku, spiss għandhom importanza strateġika qawwija, fl-Istati Uniti din l-importanza hija kkonċentrata fuq kollox fis-setturi industrijali, b’indirizz qawwi lejn is-suq.

2.12

Il-mudell Amerikan huwa punt ta’ referenza naturali għall-pajjiżi li fihom l-interess prinċipali huwa li tinħoloq sistema ta’ produzzjoni kulturali li ma tantx tiddependi mill-finanzi pubbliċi u li hija indirizzata ħafna lejn il-profitt.

2.13

Il-Ġappun huwa pajjiż-gwida, mhux biss fil-kuntest Asjatiku, peress li tul iż-żmien, żviluppa forom sekulari u speċifiċi ħafna ta’ produzzjoni, b’forom ġodda u oriġinali tal-industrija kulturali, li huma indirizzati lejn pubbliku wiesa’ u indirizzati biex jissodisfaw is-suq.

2.14

Fiċ-Ċina qed isir sforz formidabbli ta’ investiment fl-infrastruttura, fil-qasam kulturali, bi strateġija determinata, li tillimita l-infiltrazzjoni tal-offerta kulturali Amerikani, u b’interess ċar lejn il-mudelli ta’ organizzazzjoni Ewropej u għar-rwol tal-miżuri pubbliċi biex jagħtu forma u appoġġ lis-sistemi kulturali lokali.

2.15

Fl-Indja, l-industrija kulturali li rat l-akbar żvilupp kienet dik taċ-ċinema, bi tkabbir fl-introjti li huwa straordinarju, anke jekk bi produzzjonijiet li huma ankrati ferm fil-kultura tradizzjonali Indjana, u għallhekk bi ftit interess għall-pubbliku li mhux midħla ta’ din il-kultura.

2.16

L-Amerika Latina llum tinsab fil-qalba ta’ proċess qawwi ta’ tkabbir tal-industriji kulturali tagħha, anke bis-saħħa tal-influwenza tal-kultura Spanjola fl-Istati Uniti u tat-tkabir ekonomiku u demografiku mgħaġġel fil-Messiku, mentri fil-Brażil is-settur kulturali qed jgħaddi minn żvilupp notevoli lil hinn mill-kamp mużikali. Min-naħa l-oħra, l-Afrika qed tiżviluppa identità kulturali oriġinali, li hija influwenzata wkoll mill-multipliċità ta’ kuntatti mad-dinja kulturali pan-Ewropea: l-interazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti u l-edukazzjoni artistika jistgħu jgħallmuna ħafna dwar il-ħajja ta’ kuljum u l-kultura globali ta’ reġjun, filwaqt li jingħelbu l-ostakli li jxekklu l-kooperazzjoni.

2.17

Il-Kumitat minn dejjem saħaq fuq l-importanza li titnieda strateġija mmirata li tiżviluppa b’mod sħiħ il-potenzjal tas-setturi kulturali u tal-professjonijiet kreattivi tal-UE biex jiġu stimolati l-impjiegi u t-tkabbir: fl-2004, f’Opinjoni mfassla fuq it-talba tal-Kummissarju Viviane Reding kienu diġà ġew identifikati għadd ta’ problemi fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej (14). Dawn il-pożizzjonijiet ġew diskussi mill-ġdid u aktar fil-fond f’diversi opinjonijiet li segwew (15).

2.18

Fid-dinja, l-Ewropa hija fuq quddiem nett fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ prodotti tal-industrija kreattiva. Biex din il-pożizzjoni tinżamm, hemm bżonn li ninvestu fil-kapaċità ta’ dawn is-setturi li jaħdmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Il-Kunsill esprima din il-fehma fit-12 ta’ Mejju 2009, u l-Parlament għamel l-istess fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat huwa konxju li l-eċċellenza u l-kompetittività tal-Ewropa fis-setturi kulturali u kreattivi huma r-riżultat tal-isforzi tal-artisti, id-disinjaturi, il-professjonisti, l-intrapriżi u n-nies mogħnija b’talenti tradizzjonali u innovattivi kif ukoll b’ħiliet formali u informali li għandhom jiġu preżervati, promossi u użati.

3.2

Il-KESE huwa konvint li l-kultura u l-kreattività jiffurmaw element ewlieni mill-identità stess tal-Unjoni u tal-leġittimità tagħha, fl-espressjonijiet differenti tagħha: unità fid-diversità tal-kreattività u tal-kultura, li jridu jinfiltraw fl-iżvilupp ta’ ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien.

3.3

Biex tiġi rispettata u promossa l-identità kulturali tal-Ewropa u tiġi garantita s-sostenibbiltà sħiħa tas-setturi kulturali u kreattivi, il-miżuri tal-UE li jippromovu dawn is-setturi jridu jiġu implimentati fir-rispett sħiħ tal-mudell soċjali Ewropew, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istandards ambjentali.

3.4

Mill-ħafna analiżijiet li saru fil-livell Ewropew u nazzjonali, jidher ċar li s-setturi kulturali u kreattivi għandhom quddiemhom sfidi komuni, jiġifieri:

kuntest ta’ suq Ewropew li hu frammentat ħafna,

struttura intraprenditorjali li 80 % tagħha hi magħmula minn SMEs u mikrointrapriżi,

impatt li qed jikber fuq il-proċessi produttivi u ta’ distribuzzjoni minħabba t-trasferiment għad-diġitali u t-tixrid tat-teknoloġiji l-ġodda,

proċess mgħaġġel ta’ globalizzazzjoni, b’atturi ġodda u kompetituri ġodda,

ħiliet li l-valur tagħhom jispiċċa malajr u l-iżvilupp kontinwu ta’ ħtiġijiet ġodda,

limitazzjonijiet fil-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, speċjalment fil-livell internazzjonali,

diffikultà ta’ aċċess għall-finanzi u l-investimenti fl-innovazzjonijiet teknoloġiċi,

nuqqas ta’ ġbir ta’ data,

nuqqas ta’ definizzjoni ċara u internazzjonalment aċċettata tas-setturi inkwistjoni, b’indikazzjoni tas-sottosetturi,

ħtieġa ta’ sinerġiji akbar bejn id-dinja kulturali u kreattiva u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi,

ħtieġa li jiġu żviluppati sħubijiet bejn is-setturi edukattivi u ta’ taħriġ, id-dinja tal-intrapriżi u l-attivitajiet kulturali u kreattivi,

żieda fil-livelli ta’ kwalità u ta’ prospetti ta’ karriera, b’għarfien tal-valur kreattiv fil-katina tal-valuri,

ġlieda kontra d-dumping soċjali fis-setturi kulturali u kreattivi.

3.5

Fil-fehma tal-KESE, l-importanza u l-kumplessità tas-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġu pjan strateġiku tal-UE koerenti u fuq perjodu ta’ żmien li huwa ħafna itwal, bi programmi ta’ ħidma nazzjonali u reġjonali dettaljati u għanijiet kwantifikabbli u verifikabbli b’kalendarju ta’ skadenzi li jkun issorveljat mill-Kummissjoni u l-Parlament, li jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet u r-responsabbiltajiet fil-livelli differenti ta’ azzjoni: lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

3.6

Għaldaqstant, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija ġdida koordinata, għal żmien medju u twil, ibbażata fuq viżjoni ta’ parteċipazzjoni u kunsens li testendi sal-2020 u li tikkunsidra kompletament il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-setturi u li tistabbilixxi qafas ta’ ċertezzi li hu indispensabbli għall-investiment innovattiv f’dawn is-setturi u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani kwalifikati.

3.7

Barra minn hekk, din l-istrateġija trid bilfors tqis il-fatt li s-setturi kulturali u kreattivi huma karatterizzati minn perċentwali sproporzjonata ta’ impjiegi atipiċi, b’mod partikolari x-xogħol intermittenti, b’ħafna impjiegi temporanji u freelance, numru kbir ħafna ta’ ħaddiema indipendenti u ta’ mikrointrapriżi, spiss ta’ persuna waħda, u grupp kbir ħafna ta’ SMEs b’inqas minn 10 impjegati (16). Għaldaqstant, spiss il-ħlas tal-ħaddiema fis-settur huwa irregolari u xi drabi viċin jew taħt il-livell tal-faqar.

3.8

Ħafna ħaddiema jsibu quddiem wiċċhom kundizzjonijiet diffiċli tax-xogħol kif ukoll in-nuqqas ta’ drittijiet bażiċi ta’ ħarsien soċjali. B’mod partikolari, il-ħaddiema nisa, li huma perċentwali kbira mill-forza tax-xogħol fis-settur, huma diskriminati b’mod ħafna aktar serju fil-livell tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol b’inugwaljanzi kbar fis-salarji u l-pagi.

3.9

Is-settur fih għadd relattivament għoli ta’ ħaddiema indipendenti. Din il-kategorija spiss hija maqsuma f’żewġ estermi: estrem wieħed huwa magħmul minn professjonisti kwalifikati ħafna u b’esperjenza twila, b’pożizzjoni qawwija fis-suq; l-esterm l-ieħor huwa ffurmat mill-ħaddiema indipendenti li l-istatus tagħhom m’għandu ebda skop għajr li joffri xogħol irħis biex jonqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq il-klijenti. L-ILO ilha li wissiet kontra l-abbużi li jistgħu jsiru f’dan is-settur (17).

3.9.1

Huwa veru wkoll li l-kriżi ekonomika is-setturi kulturali u kreattivi kollha minħabba fil-miżuri ta’ awsterità u ta’ tnaqqis, b’severità bla preċedent madwar l-Ewropa kollha, fl-appoġġ pubbliku għall-kultura.

3.10

Fil-fehma tal-KESE, il-miżuri li huwa semma fl-opinjonijiet tiegħu dwar kif jiġu antiċipati l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni għandhom japplikaw għas-setturi kulturali u kreattivi wkoll (18). It-teknoloġiji u l-mudelli ta’ negozju ta’ dawn is-setturi qed jinbidlu b’ritmu mgħaġġel u ħafna intrapriżi kbar qed iwettqu riorganizzazzjonijiet produttivi fuq l-ispinta tad-diġitalizzazzjoni tal-istampa bil-miktub, tat-tnaqqis fl-appoġġ mill-fondi pubbliċi, tat-take-overs u l-fużjonijiet.

3.11

Dawn il-bidliet għandhom impatt dirett fuq il-ħaddiema ta’ dawn is-setturi, li spiss jirriżulta fil-liċenzjar ta’ impjegati, pressjoni fuq il-pagi, skemi ta’ rtirar bikri, użu akbar ta’ kuntratti temporanji, tnaqqir mill-kundizzjonijiet tax-xogħol u ansjetà akbar, kuntratti tax-xogħol iqsar u nuqqas ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema.

3.12

Biex jiġu garantiti d-diversità u r-rikkezza kulturali tal-Unjoni, il-Kumitat iqis li għandhom jiġu evitati konċentrazzjonijiet eċċessivi kemm fil-qasam produttiv kif ukoll dak tad-distribuzzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li tingħata preferenza lin-netwerks diġitali u ’l-metadistretti, li jippermettu li tintlaħaq massa kritika ta’ investiment u li tissaħħaħ ir-riċerka u l-preżenza internazzjonali biex jiġu miżmuma l-impjiegi.

3.13

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn daqstant ieħor ta’ sforzi konġunti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jiġu appoġġjati programmi ta’ taħriġ u kwalifiki għal profili professjonali ġodda u aġġornati permezz ta’ inizjattivi ta’ taħriġ tul il-ħajja, biex jitqies it-tibdil li qed iseħħ fis-settur u biex jiġu żviluppati l-professjonalità u l-għarfien espert b’mod kostanti u adegwat. Hemm bżonn li jitħaffef l-investiment fl-immodernizzar tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-artisti, id-disinjaturi u l-ħaddiema fis-setturi kulturali u kreattivi, biex tinżamm il-pożizzjoni prominenti li għandha bħalissa l-UE u biex tilħaq l-għanijiet tal-Ewropa 2020.

3.13.1

Dawn l-azzjonijiet huma aktar urġenti fid-dawl tat-trasformazzjonijiet profondi li qed iseħħu minħabba l-iżvilupp fil-kompetizzjoni globali, li tidher ukoll fil-ħidma professjonali intellettwali, u li wasslu għall-ħtieġa li b’mod kostanti jinħolqu kunċetti ġodda u metodi ġodda tax-xogħol li jeħtieġu livell għoli ta’ għarfien bħall-Kooperattivi Ewropej tal-Għarfien.

3.14

Jekk, kif tiġbed l-attenzjoni l-Kummissjoni stess, “l-istituzzjonijiet finanzjarji jeħtieġu jżidu l-għarfien tagħhom tal-potenzjal ekonomiku ta’ dawn is-setturi u jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom biex jevalwaw in-negozji li jiddependu fuq assi intanġibbli”, dan għandu jgħodd l-ewwel u qabel xejn għall-qafas baġitarju tal-UE 2014-2020, billi jiġu eliminati l-inċertezzi li hemm bħalissa – każ tipiku huma dawk dwar l-Erasmus – filwaqt li jitfasslu mill-ġdid il-programmi u l-istrumenti ta’ intervent tal-UE (fondi strutturali, BEI, FEI, eċċ.) biex jiddaħħlu u jingħataw preferenza l-innovazjoni “mhux teknoloġika” u l-espansjoni internazzjonali kompetittiva tas-setturi kulturali u kreattivi.

3.15

Fit-tħejjija tal-politika ta’ koeżjoni futura, li tibda mill-2014, iridu jitqiesu l-lezzjonijiet mill-proġetti u l-istudji dwar il-ħolqien ta’ strumenti li jisfruttaw il-potenzjal kollu tas-setturi tal-industriji kreattivi. Fil-fehma tal-KESE, is-setturi kulturali u kreattivi jridu jiddaħħlu fi strateġiji integrati ta’ żvilupp reġjonali jew lokali, bil-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi u tar-rappreżentanti interessati tas-soċjetà ċivili organizzata.

3.16

Hemm bżonn ta’ qafas tal-UE li jiffaċilita l-mobbiltà tal-artisti u d-disinjaturi, tax-xogħlijiet tagħhom, tas-servizzi u tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, bir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, bi strumenti edukattivi u ta’ taħriġ avvanzati, fi ħdan u barra mill-ispazju kulturali u kreattiv Ewropew li jpoġġi fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet li żviluppa f’dan ir-rigward il-grupp tal-esperti dwar il-mobbiltà tal-artisti tal-Kummissjoni (19).

3.17

Il-KESE jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi jgħinu fl-istimolazzjoni tat-tiġdid tal-ekonomiji lokali, billi jippromovu l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda, joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli (20), u jżidu l-kapaċità tar-reġjuni u l-bliet Ewropej li jkunu attraenti kif ġie deskritt fl-istudju “The rise of the creative class” (21).

3.18

Fil-fehma tal-KESE, aspett ċentrali ta’ strateġija ġdida ġenwina għall-istrumenti għall-konverġenza u l-kompetittività (CCI) irid ikun pjan ta’ azzjoni tal-UE “Creative Europe Open to the World-CEOW” biex jiġi żgurat li l-artisti u l-industriji kulturali u kreattivi, speċjalment l-SMEs ikunu preżenti fis-swieq internazzjonali ewlenin, permezz tat-twaqqif ta’ skemi partikolari u l-promozzjoni ta’ skambji ma’ pajjiżi terzi, u permezz ta’ qbil fuq klawsoli preċiżi u vincolanti fil-ftehimiet bilaterali u multilaterali tal-UE.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-promozzjoni ta’ kuntest regolatorju adegwat

4.1.1

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jadottaw, bil-parteċipazzjoni sħiħa u l-kontribut sħiħ tal-imsieħba soċjali, miżuri regolatorji speċifiċi, adattati għall-partikolaritajiet tas-setturi kulturali u kreattivi, li jinkludu regoli adegwati tal-kompetizzjoni biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-swieq u jitħarsu d-diversità kulturali, il-varjetà tal-għażla għall-konsumaturi u l-pluralità tal-forom ta’ intraprenditorija.

4.1.2

L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-piż amministrattiv u burokratiku li jtaqqlu b’mod partikolari lill-SMEs kulturali u kreattivi u lill-ħaddiema indipendenti, billi jiġu simplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ servizzi u tiġi faċilitata l-mobbiltà tas-servizzi, tal-artisti u tal-operaturi kulturali.

4.2   Aċċess għall-finanzi, appoġġ finanzjarju tal-UE u sħubijiet pubbliċi-privati

4.2.1

L-industriji tas-setturi kulturali u kreattivi dejjem huma l-frott ta’ disinjaturi individwali, awturi, artisti, atturi u artisti interpreti li jeħtieġu aċċess sempliċi għall-finanzi u għall-kreditu, anke meta jkunu indirizzati aktar lejn is-suq: huwa essenzjali li l-appoġġ finanzjarju fis-setturi kulturali u kreattivi jiġi marbut mal-ħolqien u ż-żamma ta’ kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema anke mill-aspett finanzjarju.

4.2.2

Għaldaqstant huwa importanti li jinħoloq ambjent fiskali li jappoġġja l-iżvilupp tal-SMEs u l-ħaddiema indipendenti, b’eżenzjonijiet mit-taxxa doppja f’każ ta’ mobbiltà transkonfinali u transnazzjonali u skemi adegwati tas-sigurtà soċjali.

4.2.3

L-UE u l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi u tiġi promossa d-diversità kulturali tal-oġġetti u s-servizzi.

4.2.4

L-UE u l-Istati Membri jridu jappoġġjaw il-mekkaniżmi ta’ benchmarking fuq il-metodi tal-garanziji, is-self, l-investiment u l-inċentivi għall-esportazzjoni, biex il-proġetti kulturali u kreattivi jkollhom kundizzjonijiet ta’ aċċess aktar faċli għall-mekkaniżmi privati ta’ finanzjament u biex jiġu faċilitati l-kuntatti bejn is-setturi mhux kummerċjali li spiss jibbenefikaw minn fondi pubbliċi ma’ setturi li huma aktar orjentati lejn is-suq, bħad-disinn, il-moda jew il-pubbliċità.

4.2.4.1

Il-KESE jirrakkomanda li:

jiġu mmappjati l-inizjattivi Ewropej ewlenin għas-setturi kulturali u kreattivi fit-tliet snin li għaddew

jiħejja rendikont tal-fondi speċifiċi pprovduti lis-setturi kulturali u kreattivi f’dawn l-aħħar tliet snin

ttitfassal tabella li tissintetizza r-riżultati miksubin bl-applikazzjoni tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni applikat fis-setturi kulturali u kreattivi.

4.3   L-intraprenditorija kulturali u kreattiv u l-mudelli tan-negozju

4.3.1

L-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju jeħtieġu l-aċċettazzjoni tal- modi ġodda ta’ diġitalizzazzjoni, remixing, immaxxjar (mashing) u kampjunar (sampling) – jiġifieri l-kapaċità li jittieħed fajl multimedjali diġitali, li jkun fih element wieħed jew kollha minn kitba, grafika, awdjo, vidjo u animazzjonijiet meħudin minn sorsi li kienu jeżistu minn qabel, biex jinħoloq xogħol ġdid derivat, jew kampjun.

4.3.2

Fil-fatt il-mudell tal-“kreattività għall-kwalità soċjali” (“creativity for social quality”) jirreferi għall-kultura, it-territorju u s-soċjetà fid-distretti kreattivi, filwaqt li jintegra miżuri ta’ mobilizzazzjoni tal-għarfien u ta’ promozzjoni tal-użu tad-diżinjaturi bħala “sensara” jew faċilitaturi tal-proċessi li jlaqqgħu flimkien l-iżvilupp, it-teknoloġija u l-produzzjoni.

4.3.3

Għall-KESE huwa indispensabbli li jiġu promossi mudelli ġodda ta’ negozju li jintegraw id-disinn fil-katina ta’ valur u li permezz tagħhom l-atturi kollha jistgħu jżidu l-valur tal-prodotti u tal-proċessi li jistgħu jiġu identifikati bħala eżempji tal-eċċellenza Ewropea fis-swieq globali.

4.3.4

Fil-fehma tal-KESE huwa daqstant ieħor importanti li tiġi inkoraġġita l-mobbiltà transkonfinali u transnazzjonali u l-kapaċità li jiġu attratti l-professjonalità u t-talenti, kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien, l-iskambju tal-esperjenzi u tal-kapaċitajiet intraprenditorjali, il-ħolqien ta’ netwerks u ta’ clusters bejn atturi differenti tal-UE u setturi differenti tal-ekonomijia fit-territorju tal-UE.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 051, 17.02.2011 p. 43 – 49.

(2)  COM(2010) 183 final.

(3)  Ara http://portal.unesco.org/culture/en/ev.php-URL_ID=33232&URL_DO=DO_TOPIC&URL_SECTION=201.html

(4)  European Statistical System Network on Culture ESSnet-Culture - Final Report 10/2012 (In-Netwerk tas-Sistema Statistika Ewropea dwar il-Kultura ESSnet-Culture – Rapport finali 10/2012).

(5)  COM(2011) 785 final.

(6)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35–39.

(7)  Ara wkoll ir-rapport tat-TERA Consultants 2010 u r-r-rapport dwar il-kompetittività tal-UE 2010, COM(2010) 614 final.

(8)  Skont l-Eurostat, bejn l-2008 u l-2011 l-impjiegi fis-setturi kulturali u kreattivi wrew li kienu aktar kapaċi jirkupraw mill-ekonomija tal-UE fil-globalità tagħha.

(9)  TERA Consultants, 2010.

(10)  TERA Consultants, 2010.

(11)  Ara r-rapport tal-2006 “The Cultural Economy of Europe” (L-Ekonomija Kulturali tal-Ewropa) (CEOE).

(12)  Ara The study on the entrepreneurial dimension of cultural and creative industries (L-istudju tad-dimensjoni intraprenditorjali tal-industriji kulturali u kreattivi).

(13)  Ara l-Opinjoni CESE 1923/2008.

(14)  ĠU C 175, 28.07.2009 p. 63 – 72.

(15)  Opinjonijiet: ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35–39; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 52–55; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39–46; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28–34; ĠU C 48, 15.2.2011, p. 45–50; ĠU C 27, 3.2.2009, p. 119–122; ĠU C 51, 17.2.2011, p. 43–49; ĠU C 112, 30.4.2004, p. 57–59; ĠU C 110, 9.5.2006, p. 34–38; ĠU C 248, 25.8.2011, p. 144–148; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 1–6; ĠU C 255, 14.10.2005, p. 39–43; ĠU C 117, 30.4.2004, p. 49–51; ĠU C 228, 22.9.2009, p. 100–102; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63–68.

(16)  Fil-livell tal-UE-27, fis-settur kulturali, 25 % tal-ħaddiema għandhom impjieg temporanju meta mqabbla ma’ 19 % tat-total tal-ħaddiema, u l-proporzjon tan-nies li jaħdmu mid-dar huwa d-doppju (26 %) meta mqabbel mat-total tal-ħaddiema. Il-kwota tan-nies li jkollhom aktar minn impjieg wieħed hija wkoll ogħla fis-settur kulturali (6 %) meta mqabbla mat-total tal-ħaddiema (4 %). Ara Cultural Statistics (Statistiċi kulturali), Eurostat pocketbooks, edizzjoni 2011.

(17)  Ara l-Opinjoni CESE, L-abbuż mill-istatus ta' persuna li taħdem għal rasha, ĠU C 161, 6.6.2013.

(18)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 54–59.

(19)  Ara http://ec.europa.eu/culture/documents/moc_final_report_en.pdf.

(20)  Ara L-inizjattiva għall-impjieg taż-żgħażagħ, Summit Ewropew 8.2.2013.

(21)  Richard Florida, espert Amerikan tal-iżvilupp urban.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu”

COM(2012) 433 final

2013/C 198/07

Relatur: is-Sur PLOSCEANU

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar is-7 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-istrateġija tal-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-intrapriżi tiegħu

COM(2012) 433 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni mniedi f’Lulju 2012.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza strateġika tas-settur tal-kostruzzjoni fl-ekonomija Ewropea f’termini tal-kontribut tas-settur għall-PDG, f’termini tar-rwol tal-kostruzzjoni fl-impjiegi u wkoll bħala vettur għat-tkabbir ekonomiku.

1.3

Il-KESE jikkunsidra s-settur tal-kostruzzjoni bħala attur vitali biex tonqos id-domanda għall-enerġija tal-UE. Dan inaqqas l-impronta ekoloġija tal-bniedem u jgħin fil-mitigazzjoni u l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jistenna li l-Pjan ta’ Azzjoni jiffaċilita s-settur billi jaħdem fuq dawn l-isfidi importanti għas-soċjetà.

1.4

Is-settur tal-kostruzzjoni, li jirrappreżenta kważi 10 % tal-PDG tal-UE, huwa kruċjali għas-saħħa tal-ekonomija inġenerali. Sabiex jinkiseb l-għan tat-tkabbir, ir-responsabbli nazzjonali mit-tfassil tal-politika għandhom jikkomunikaw mas-settur tal-kostruzzjoni kif għamlet il-Kummissjoni permezz ta’ din il-Komunikazzjoni u jaraw li s-settur, bil-kundizzjonijiet finanzjarji u regolatorji tajbin garantiti, jista’ jwassal għat-tkabbir, l-impjiegi u l-protezzjoni tal-ambjent li ċ-ċittadini tal-UE jixirqilhom bi dritt.

Il-KESE jemmen li s-settur tal-kostruzzjoni m’għandux bżonn appoġġ finanzjarju dirett bħalma huma s-sussidji, iżda li l-Pjan ta’ Azzjoni għandu jfittex li joħloq qafas ta’ politika u regolatorju li jippermetti lis-settur iwettaq bl-aħjar mod ir-rwol tiegħu ta’ kontributur għat-tkabbir ekonomiku, il-benesseri soċjali u l-ġestjoni ambjentali; dan jinkludi l-iżgurar ta’ fluss xieraq ta’ investiment pubbliku u ta’ finanzjament privat biex jiġu sostnuti proġetti vijabbli kif ukoll il-finanzjament tal-ekonomija tal-Istati Membri prinċipalment permezz ta’ self mill-banek, waqt li jiġu imposti miżuri immedjati u effettivi bil-għan li jitjieb l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ strumenti speċifiċi ta’ garanzija u kontrogaranzija.

1.5

Is-sempliċità, l-istabbiltà u l-koerenza tal-qafas regolatorju u ta’ standardizzazzjoni tal-UE huma fatturi kruċjali wkoll għall-kompetittività kemm interna kif ukoll esterna tas-settur tal-kostruzzjoni fl-Ewropa.

1.6

Il-KESE jagħraf sew li waqt li l-awsterità qed tibbilanċja mill-ġdid in-nuqqasijiet strutturali, mhix twassal għal tkabbir ġdid; minflok, qed tgħarraq il-kriżi ekonomika f’ħafna pajjiżi. Huwa meħtieġ investiment fil-bini u l-infrastruttura sostenibbli sabiex nassiguraw il-prospettivi futuri tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjiegi.

1.7

Is-soċjetà ċivili organizzata tistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex iqisu l-investiment fl-infrastruttura vitali u l-bini sostenibbli bħala kontribut strateġiku għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-futur u mhux biss bħala forma oħra ta’ nfiq pubbliku. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li investiment bħal dan m’għandux ikun użat fil-kalkoli tar-rendiment ta’ pajjiż fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

1.8

Hemm potenzjal enormi sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija permezz tar-rinovazzjoni tal-bini tal-UE li qed jiqdiem sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20% u jonqos il-konsum tal-enerġija b’20%. Azzjoni bħal din tnaqqas ukoll l-importazzjoni tal-enerġija fossili u tgħin biex ikun żgurat li iktar mill-ġid tal-UE jibqa’ fl-Ewropa, u għalhekk tgħin biex iżżomm u toħloq l-impjiegi matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali. Sabiex jintlaħaq dan il-potenzjal, il-pajjiżi għandhom jiżguraw li jkun hemm inċentivi finanzjarji u fiskali adegwati disponibbli biex imexxu s-suq lejn iktar frankar tal-enerġija u biex jiżguraw li tonqos id-differenza fil-ħiliet.

1.9

Hemm sfida enormi oħra biex tiġi aġġornata l-infrastruttura Ewropea għat-trasport, l-enerġija u l-broadband biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri u jiżguraw il-kompetittività u l-attrazzjoni internazzjonali tal-Ewropa bħala destinazzjoni għall-Investiment Dirett Barrani (IDB). Jekk il-gvernijiet jonqsu milli jifhmu l-importanza ta’ dan it-tip ta’ investiment, l-Ewropa tkun fir-riskju li tibqa’ lura meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja, kemm ekonomikament kif ukoll fil-benesseri soċjali.

1.10

It-tibdil demografiku jikkostitwixxi sfidi ġodda għall-ambjent mibni li s-settur se jkollu bżonn jindirizza. Dawn jinkludu l-effetti fuq l-aċċess għall-ambjent mibni ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-KESE jinnota l-ħidma kontinwa tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), skont mandat mill-Kummissjoni Ewropea, biex jadatta standards rilevanti għall-prinċipji ta’ “Disinn għal kulħadd”. Barra minn dan, is-settur tal-kostruzzjoni qed ikollu jiffaċċja l-isfida tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fl-Istateġija Ewropa 2020 għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklużiv (1) u fl-isfida għall-ekonomija inġenerali.

1.11

Barra mill-kontribuzzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima jpoġġi sfidi ġodda għall-ambjent mibni, li s-settur se jkollu jindirizza. Dawn jinkludu l-effetti ta' temp estrem li jitlob ambjent mibni iktar reżistenti, kif ukoll strutturi protettivi xierqa. Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn li dan jittieħed f’kunsiderazzjoni wkoll fil-metodoloġiji tekniċi standardizzati eżistenti bħall-Eurocodes.

1.12

Il-kostruzzjoni għandha rwol vitali f’dawn l-isfidi sakemm l-investiment meħtieġ ikun disponibbli u, għalkemm il-bonds tal-proġetti huma mod kif jinġabru finanzjamenti privati addizzjonali għall-proġetti, dawn ma jistgħux jieħdu post ir-rwol tal-investment pubbliku.

1.13

Ħafna kumpaniji fis-settur tal-kostruzzjoni, speċjalment l-SMEs, qed iħossu pressjoni kbira minħabba l-ħlasijiet tard mill-klijenti tas-settur pubbliku, u tas-settur privat. Id-Direttiva 2011/7/UE relatata mal-ġlieda kontra l-Ħlasijiet Tard għandha tkun infurzata sew biex tiżgura li l-kumpaniji jkunu jistgħu jibqgħu fuq saqajhom. Sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7/UE u l-objettivi tagħha jitwettqu bis-sħiħ, il-KESE jisħaq b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li l-iskadenza għall-ħlas/ir-riċeviment fil-kuntratti relatati mal-akkwisti pubbliċi titnaqqas għal massimu ta’ 30 ġurnata – permezz tal-ħlas effettiv tal-fatturi – billi jiġu adottati miżuri baġitarji u amministrattivi adegwati (inkluż il-ksib ta’ krediti bankarji sabiex jitħallsu l-arretrati). Il-KESE jsostni l-ħtieġa li tiġi riżolta wkoll, b’mod prijoritarju, il-problema tal-arretrati li jkunu mmaturaw qabel ma tiġi trasposta d-Direttiva 2011/7/UE, peress li t-tardjar fil-ħlas tal-fatturi importanti relatati ma’ kuntratti ta’ akkwisti pubbliċi għandu impatt qawwi fuq il-kompetittività, ir-rendiment u s-sostenibbiltà tal-impriżi. Dawk il-pajjiżi li s’issa kellhom żmien iqsar għall-ħlasijiet m’għandhomx jużaw id-derogi tad-Direttiva biex itawlu dan iż-żmien. F’dan il-qafas, il-KESE jirrakkomanda li perjodu ta’ 30 ġurnata għall-ħlas għandu jkun il-massimu aċċettat għall-ħlasijiet tal-fatturi (inklużi l-aċċettazzjoni u l-verifika).

1.14

Sabiex ma jiġux kompromessi jew jitnaqqsu b’mod sostanzjali l-opportunitajiet ta’ rkupru ekonomiku, il-KESE jenfasizza l-importanza li jitkompla u jissaħħaħ is-self mill-banek għall-investiment u l-ekonomija reali, u jirrakkomanda li tiġi evitata prudenza eċċessiva fl-għoti ta’ self kif ukoll li ma tingħatax preferenza għall-iżvilupp ta’ investiment f’titoli finanzjarji, għad-detriment tal-kreditu lill-kumpaniji li baqgħu attivi matul il-kriżi. Krediti żgħar temporanji (bridging loans) huma vitali għal ħafna kumpaniji biex ikunu jistgħu jibqgħu attivi, speċjalment l-SMEs. Għalhekk, it-tnaqqis attwali fis-self mill-banek huwa ta’ theddida serja għall-vijabbiltà ta’ dawn l-intrapriżi. Sabiex ma tiggravax iktar id-diffikultà tas-self, regoli prudenzjali finanzjarji bħal dawk stabbiliti mill-ftehim Basel III m’għandhomx iwasslu għal iktar tnaqqis fis-self mill-banek lejn l-ekonomija reali. Biex dan jitlaħaq, is-self irħis mill-BĊE għandu jkun ikkundizzjonat mill-obbligu li parti importanti minnu trid tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija reali.

1.15

Parti importanti mill-ħolqien ta’ settur tal-kostruzzjoni sostenibbli u kompetittiv huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fis-settur. Ir-rapport ta’ Atkins lura fl-1993 (2) ikkonkluda li s-settur tal-kostruzzjoni li huwa dipendenti fuq forom ta’ impjiegi prekarji, bħal min mhux tassew jaħdem għal rasu, joħloq nuqqas ta’ inċentivi għall-produttività. Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jinkludi strateġiji li jistabilizzaw l-impjieg u jiġġieldu l-prattiċi illegali, bħal-qgħad falz, fis-settur.

1.16

Hi x’inhi l-forma ta’ impjieg, hemm bżonn li jiġu implimentati inċentivi biex itejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol u joffru possibilitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

1.17

L-evitar tar-regoli u l-obbligi soċjali jgħawwġu s-suq tal-kostruzzjoni. Għalhekk għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni, abbażi tal-konformità mar-regolamentazzjoni u l-kundizzjonijiet soċjali attwali fis-seħħ fil-pajjiż tax-xogħol. Biex dan jintlaħaq, għandhom jiġu applikati l-mekkaniżmi adegwati ta’ infurzar għal kundizzjonijiet sikuri fil-pajjiż ospitanti.

1.18

Il-KESE jsejjaħ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u jieħdu azzjonijiet konkreti kontra l-influwenza tal-korruzzjoni u tal-organizzazzjonijiet kriminali fuq is-sejħiet għal offerti pubbliċi prinċipalment fuq proġetti infrastrutturali kbar, li joħolqu kompetizzjoni inġusta u inaċċettabbli permezz tal-użu ta’ theddid u vjolenza u b’hekk inaqqsu l-ħelsien u d-demokrazija.

1.19

Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw miżuri ta’ kontroll attwali u addizzjonali jew formalitajiet ammistrattivi li jqisu effettivi u neċessarji. Dawn jinkludu l-obbligu li jiżguraw li dawn il-kontrolli, mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u infurzar, kif ukoll ispezzjonijiet effettivi u adegwati, jitwettqu verament sabiex tkun żgurata l-konformità mal-liġi nazzjonali u mad-Direttiva dwar l-impijeg tal-ħaddiema (96/71/EC ).

1.20

Il-ħaddiema migranti għandhom ikunu intitolati għall-kundizzjonijiet soċjali minimi u/jew trattament indaqs bħall-kundizzjonijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ospitanti. Għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi adegwati ta’ infurzar biex jiġġieldu d-dumping soċjali u t-trattament mhux ugwali tal-ħaddiema migranti.

1.21

Hemm bżonn li jiġi aġġornat is-sehem tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur tal-kostruzzjoni bħala għodda biex tittejjeb il-produttività. Hemm bżonn politika favur l-innovazzjoni kontinwa, favur produttività ogħla bbażata fuq il-kompetenza tal-forza tax-xogħol, favur il-prodotti ġodda intelliġenti u l-organizzazzjoni tax-xogħol intelliġenti kif ukoll favur impjiegi ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, it-teknoloġija ambjentali tista’ tkun wieħed mill-ixpruni għall-iżvilupp ġdid.

1.22

Il-KESE jappoġġja kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti u bbilanċjati, li għandhom jintużaw f’kull Stat Membru tal-UE u għandhom jinkludu kumpaniji minn barra l-UE attivi fis-suq tal-kostruzzjoni tal-UE. Il-promozzjoni tal-Aktar Offerta Ekonomikament Vantaġġuża (minflok “l-irħas prezz”) kif ukoll approċċ konsistenti fir-rifjut ta’ offerti baxxi wisq, huma pilastri essenzjali għall-kompetizzjoni effiċjenti u ġusta.

1.23

Biex il-kostruzzjoni twassal għall-iżvilupp sostenibbli aħjar, il-KESE jirrakkomanda li l-assi għandhom ikunu valutati u stmati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Fejn xieraq, valutazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq standards imfassla u adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

1.24

Il-KESE jilqa’ l-ħolqien tal-forum ta’ livell għoli tal-UE dwar il-kostruzzjoni u huwa ħerqan li jieħu sehem fih sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika tal-UE marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni.

2.   Il-kuntest

2.1

Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u b’konsegwenza, ir-riċessjoni ekonomika fl-attività tal-kostruzzjoni, kellhom impatt serju fuq is-settur tal-kostruzzjoni fis-27 pajjiż tal-UE. Ir-ritorn għat-tkabbir dam minħabba li bdiet il-kriżi tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro u l-impożizzjoni ta’ programmi ta’ awsterità f’ħafna Stati Membri.

2.2

Madanakollu, fl-2011 is-settur tal-kostruzzjoni laħaq fatturat ta’ EUR 1 208 biljun, li jirrappreżenta 9,6 % tal-PDG tal-UE-27 u 51,5 % tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss (3).

2.3

F’termini ta’ intrapriżi, is-settur tal-kostruzzjoni jgħodd mat-3,1 miljun kumpanija li 95 % minnhom huma SMEs b’inqas minn 20 impjegat u 93 % minnhom għandhom inqas minn 10 ħaddiema.

2.4

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa l-ikbar impjegatur industrijali fl-Ewropa b’14,6 miljun ħaddiem fl-2011, li jirrappreżenta 7 % tal-impjiegi totali u 30,7 % tal-impjiegi industrijali. Sa mill-2008, l-impjiegi naqsu kontinwament.

2.5

Jekk tikkunsidra l-effett multiplikatur (persuna waħda f’dan is-settur tfisser tnejn oħra li jaħdmu f’settur ieħor relatat), hemm 43,8 miljun ħaddiem fl-UE li jiddependu direttament jew indirettament mis-settur tal-kostruzzjoni.

2.6

F’għadd ta’ Stati Membri, is-settur tal-kostruzzjoni ntlaqat mill-istess tip ta’ fatturi ekonomiċi, li huma essenzjalment:

l-effetti fit-tul tal-kriżi tal-kreditu li naqqsu s-self;

it-tneħħija tal-miżuri li baqa’ biex tiġi rkuprata l-ekonomija;

il-bidu tal-kriżi tad-dejn sovran fis-sajf tal-2010;

u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-miżuri ta’ awsterità madwar l-Ewropa.

2.7

L-isforzi nazzjonali ddgħajfu minħabba l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarji u fiskali, kif ukoll minħabba tnaqqis kbir fl-investiment sabiex tissolva l-kriżi tad-dejn sovran.

2.8

Is-sitwazzjoni dgħajfet iktar il-fiduċja fraġli tan-negozju u tal-konsumatur.

2.9

Huwa mistenni li l-produzzjoni totali tal-kostruzzjoni tonqos b’iktar minn 2 % fl-2012 minħabba tnaqqis fis-segmenti kollha tal-kostruzzjoni.

2.10

Analiżi tal-Bank Dinji tinkludi l-kostruzzjoni fost is-setturi fejn tidher il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata:

l-assenjar ta’ proġetti skont l-interess politiku – mhux b’sejħa għall-offerti,

Il-modi ta’ akkreditament għall-proċedura taċ-ċertifkazzjoni tal-kostruzzjonijiet.

L-Istati Membri tal-UE jidentifikaw fenomeni ta’ korruzzjoni:

fil-prattiċi ta’ inġinerija finanzjarja u n-nuqqas ta’ ħlas fil-ħin għax-xogħol li wettqu l-kumpaniji tal-kostruzzjoni;

fiż-żamma ta’ ostakli tekniċi, amminstrattivi u regolatorji li jgħawġu l-proċess tas-sejħiet għall-offerti.

3.   Test propost mill-Kummissjoni

3.1

L-għanijiet tal-Istrateġija proposta huma li:

sal-2020, jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-industrija tal-kostruzzjoni f’termini ta’ investiment, kapital uman, ħtiġijiet ambjentali u tal-enerġija, regolamentazzjoni u aċċess għas-suq;

jiġi propost pjan ta’ azzjoni fuq terminu qasir u medju biex jindirizza dawn l-isfidi.

3.2

L-għan ta’ din il-proposta huwa li:

tistimola d-domanda għal ambjent ta’ bini sostenibbli, b’mod partikolari r-rinovazzjoni tal-bini;

ittejjeb ir-rendiment tal-katina tal-provvista/valur u tas-suq intern għall-prodotti u s-servizzi tal-kostruzzjoni;

twessa’ l-prospettivi tas-suq għall-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE f’livell internazzjonali.

3.3

Il-Pjan ta’ Azzjoni propost jiffoka fuq il-ħames għanijiet li ġejjin:

3.3.1

l-istimolu ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment,

3.3.2

it-titjib tal-bażi tal-kapital uman,

3.3.3

it-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi, fil-prestazzjoni ambjentali u fl-opportunitajiet kummerċjali,

3.3.4

it-tisħiħ tas-suq intern għall-kostruzzjoni,

3.3.5

it-trawwim ta’ pożizzjoni kompetittiva globali tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni tal-UE.

3.4

F’termini ta’ governanza, huwa propost forum strateġiku tripartitiku (il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-partijiet interessati) biex jimmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

4.   Stat attwali tas-settur tal-kostruzzjoni – analiżi SWOT (analiżi tal-aspetti b’saħħithom, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddidiet)

4.1   Aspetti b’saħħithom

4.1.1

Il-mitigazzjoni u l-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-umanità huma negozju lokali u jħaddmu ħafna nies.

Għalhekk il-produzzjoni ma tistax tkun trasferita barra l-pajjiż u b’hekk l-impjiegi jibqgħu fl-UE.

43,8 miljun ħaddiem fl-UE-27 għadhom jiddependu direttament jew indirettament mis-settur tal-kostruzzjoni.

L-għadd kbir ta’ mikrointrapriżi u SMEs involuti fil-kostruzzjoni jfisser li s-settur huwa attività marbuta sew mal-komunitajiet lokali, u jirrifletti d-diversità tat-tradizzjonijiet u l-kulturi lokali.

F’ħafna Stati Membri, is-settur tal-kostruzzjoni, b’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet edukattivi vokazzjonali, għandu rwol ċentrali billi jipprovdi apprendistati għall-ħaddiema żgħażagħ u b’hekk jiżgura l-mobbiltà soċjali.

4.2   Dgħufijiet

4.2.1

F’ħafna pajjiżi, is-settur tal-kostruzzjoni huwa huwa karatterizzat minn regoli li jfixklu r-relazzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi (pereżempju regoli ta’ responsabbiltà), b’katina tal-valur kumplessa u potenzjal qawwi għal kunflitti u ineffiċjenza. Dan itellef miż-żieda fil-kompetittività.

4.2.2

Minkejja t-titjib reċenti bħall-Manifest intitolat “Building Prosperity for the Future of Europe” (Insaħħu l-Prosperità għall-Futur tal-Ewropa), ippubblikat f’Novembru 2010 u ppubblikat mill-ġdid fit-28 ta’ Jannar 2013 speċifikament għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, mill-pjattaforma informali tal-European Construction Forum, is-settur tant fih partijiet interessati differenti li huwa diffiċli li jikkoordina l-fehmiet kollha u jitkellem b’leħen wieħed fuq livell Ewropew.

4.2.3

F’xi ċirkostanzi, is-settur huwa suxxettibbli għall-booms spekulattivi tal-proprjetà, kif ġara f’ħafna Stati Membri fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21, immexxija mid-disponibbiltà ta’ self b’interess baxx għall-iżvilupp tal-proprjetà.

4.2.4

Il-miżuri ta’ politika mmirati lejn il-promozzjoni ta’ forom speċifiċi ta’ kostruzzjoni – bħall-inċentivi fiskali għar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija, l-attivitajiet ta’ adattar jew it-tariffi feed-in biex jappoġġjaw sorsi mikro-rinnovabbli – ta’ spiss mhumiex prevedibbli, huma għal żmien qasir u jispiċċaw qabel il-benefiċċji tagħhom jinħassu sew.

4.2.5

L-akkwist pubbliku huwa tradizzjonalment immexxi fuq il-bażi tal-irħas prezz. Tali pressjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-offerta ma tħallix lill-kumpaniji jimmodernizzaw il-proċessi tagħhom u jinvestu fil-materjal ġdid u innovattiv. Barra minn hekk, sejħiet għall-offerti pubbliċi spiss ma jippermettux li jitressqu varjanti. In-nuqqas ta’ abilità li jiġu proposti varjanti, flimkien ma’ skemi ta’ assigurazzjoni restrittivi, huma ostakli oħra għaż-żieda fl-innovazzjoni.

4.2.6

L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa baxx fis-settur tal-kostruzzjoni meta mqabbel ma’ industriji oħra. Dan huwa minħabba n-natura frammentata tas-settur, in-natura regolata ħafna u preskritta tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-marġni ta’ profitt tradizzjonalment baxx fil-kostruzzjoni. Madanakollu, il-KESE jieħu nota tas-Sħubija Pubblika Privata għall-effiċjenza fl-enerġija (EeB) li tgħaqqad flimkien l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp mill-Unjoni Ewropa mal-kofinanzjament imqabbel mis-settur privat.

4.2.7

Minkejja l-passi kbar li saru f’dawn l-aħħar snin, is-settur tal-kostruzzjoni għadu jbati minn problema ta’ immaġini u t-titjib tar-rekord ta’ ħidma rigward is-saħħa u s-sikurezza jibqa’ prijorità. B’mod iktar ġenerali u minkejja r-riċessjoni, l-industrija għadha ma tattirax biżżejjed inġiniera mħarrġa mill-universitajiet. Bil-bidliet demografiċi, din il-problema se tiżdied. Is-settur stess għandu jindirizza din il-problema ta’ immaġini u jirnexxielu jattira ħaddiema żgħażagħ kwalifikati.

4.3   Opportunitajiet

4.3.1

Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini hija opportunità immensa għas-settur sabiex tiżdied l-attività bit-teknoloġiji eżistenti. Madankollu, il-gvernijiet nazzjonali jridu jirrikonoxxu l-potenzjal u jipprovdu l-appoġġ finanzjarju u l-inċentivi fiskali meħtieġa.

4.3.2

L-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandhom jikkoordinaw programmi ta’ investiment fuq skala kbira fil-bini u l-infrastruttura ewlenija li jwasslu għal ammonti ogħla minn dawk proposti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

4.3.3

Fi żmien medju u fit-tul, is-settur għandu l-potenzjal li jwassal għal ekonomija sostenibbli, b’livell ta’ karbonju baxx, jekk ikun hemm l-inċentivi regolatorji u finanzjarji meħtieġa fis-seħħ.

4.3.4

Is-settur tal-kostruzzjoni se jkun minn ta’ quddiem fit-tweġiba għall-isfidi tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

4.3.5

L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda bbażati fuq l-IT bħall-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (Building Information Modelling – BIM) qed jgħin biex imexxi l-innovazzjoni u jtejjeb l-effiċjenza fis-settur.

4.4   Theddidiet

4.4.1

It-theddida prinċipali li s-settur tal-kostruzzjoni qed jiffaċċja hija n-nuqqas ta’ investiment privat u pubbliku li diġà wassal għall-falliment ta’ negozji vijabbli u kkawża tnaqqis kbir fl-impjieg sa mill-2008. Reċessjoni għal żmien twil fis-settur tal-kostruzzjoni se twassal għal telf permanenti ta’ periti, disinjaturi, inġiniera u persuni tas-sengħa.

4.4.2

Marbuta ma’ dan, theddida oħra li s-settur tal-kostruzzjoni qed jiffaċċja hija l-forza tax-xogħol li qed tixjieħ u n-nuqqas ta’ ħaddiema żgħażagħ imħarrġa biex jieħdu posthom. Ċifri mill-Ġermanja juru li fl-2011, 44 % tal-forza tax-xogħol kellhom iktar minn 45 sena.

4.4.3

Theddida oħra hija l-wasla ta’ kuntratturi minn pajjiżi terzi fis-suq tal-akkwist tal-UE. Dawn il-kumpaniji, spiss ta’ proprjetà pubblika, użaw finanzjament minn pajjiżhom biex inaqqsu l-kompetizzjoni ġusta f’eżempji bħall-każ tal-awtostrada A2 fil-Polonja fl-2009, fejn kienet involuta ditta tal-Istat Ċiniż. Kompetizzjoni inġusta bħal din tnaqqas il-kwalità fil-kostruzzjoni kif ukoll iddgħajjef is-salarji tal-ħaddiema lokali tal-kostruzzjoni.

4.4.4

Il-pressjoni mill-awtoritajiet biex jiffrankaw il-flus fl-offerti pubbliċi spiss qed twassal għal offerti anormalment baxxi (ALTs – abnormally low tenders). Offerti bħal dawn inaqqsu l-kwalità tal-ambjent mibni, jheddu l-benesseri soċjali tal-ħaddiema u jżidu l-ispejjeż fit-tul.

4.4.5

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa diġà attività regolata ħafna u bir-raġun, iżda leġislazzjoni adottata fil-livell tal-UE li tindirizza r-riskji tas-settur tal-kostruzzjoni tista’ tkun kontroproduċenti jekk ma tkunx ikkoordinata.

4.4.6

In-natura mobbli ħafna tal-impjieg hija waħda mill-karatteristiċi ewlenin tas-settur tal-kostruzzjoni fl-UE. L-impjegar ta’ ħaddiema minn pajjiżi oħra, speċjalment persuni li jaħdmu għal rashom u persuni sekondati temporanjament, m’għandux jintuża bħala forma ta’ dumping soċjali, biex il-kumpaniji jevitaw li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u jevadu l-obbligi soċjali fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti.

4.4.7

Għall-industrija tal-materjal għall-kostruzzjoni, l-aċċess għal materja prima fil-ġejjieni, kif ukoll l-effiċjenza tar-riżorsi, huma sfidi enormi.

5.   Il-fehmiet ekonomiċi, soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata

5.1

Il-fehmiet espressi fis-seduta organizzata mis-CCMI fid-19 ta’ Diċembru 2012 enfasizzaw l-aspetti prinċipali li ġejjin:

5.1.1

il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija f’waqtha, u tinkludi ħafna mill-elementi li l-industrija tal-kostruzzjoni qed tistenna;

5.1.2

l-istrateġija proposta ma tkoprix it-tattiċi biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-industrija;

5.1.3

il-finanzjament tal-proġetti u x-xejra lejn il-ħlasijiet tard jibqgħu kwistjonijiet importanti fuq l-aġenda tal-industrija tal-kostruzzjoni;

5.1.4

hemm tixjieħ akut fil-forza tax-xogħol tal-kostruzzjoni li għandu bżonn ikun indirizzzat billi jiġu attirati ħaddiema żgħażagħ tas-sengħa;

5.1.5

huwa meħtieġ approċċ imsaħħaħ sabiex jissolvew it-theddid u n-nuqqasijiet prinċipali u biex ikun żgurat li jintlaħqu l-għanjiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-TEN;

5.1.6

mingħajr kwalità għolja fid-disinn u l-eżekuzzjoni, mhux se nilħqu l-kostruzzjoni sostenibbli jew il-kompetittività sostenibbli fis-settur tal-kostruzzjoni. Id-disinn u l-eżekuzzjoni ta’ kwalità għolja ma jistgħux jinkisbu b’offerti bbażati biss fuq “il-kriterju tal-irħas prezz” li jinjoraw l-ispejjeż fuq tul ta’ żmien;

5.1.7

l-akkwist pubbliku għas-servizzi tal-kostruzzjoni li tradizzjonalment jaħdem abbażi tal-inqas spejjeż ma jħallix li l-kumpaniji jimmodernizzaw il-proċessi tagħhom u jinvestu fil-materjali ġodda u innovattivi. L-innovazzjoni hija mxekkla iżjed minn skemi ta’ assigurazzjoni li jippenalizzaw lill-kumpaniji li jixtiequ jvarjaw il-prattiċi tax-xogħol tagħhom jew jużaw materjal innovattiv;

5.1.8

hemm nuqqas ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji fil-pajjiżi tal-OECD u tal-pajjiżi BRICS, li għandha bżonn soluzzjoni;

5.1.9

VAT imnaqqsa għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli tista’ terġa’ tiġi studjata bħala stimolu possibbli;

5.1.10

is-sħubija soċjali fl-industrija tal-kostruzzjoni, li ġġenerat għadd ta’ NGO paritarji, għandha wkoll tkun aktar żviluppata u mtejba fl-Istati Membri, flimkien mad-djalogu soċjali, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi ħafna li l-industrija qed tiffaċċja (is-saħħa u s-sigurtà, it-taħriġ, il-ħlas tal-ġranet frank eċċ);

5.1.11

kodiċi ta’ etika huwa meħtieġ u xieraq sabiex jonqos l-impatt tal-korruzzjoni;

5.1.12

hemm bżonn ta’ komunikazzjoni mtejba dwar il-politiki ta’ investiment sabiex jitjiebu l-istrateġiji tal-kumpaniji, li bħalissa spiss huma bbażati fuq is-sopravivenza tagħhom għal żmien qasir;

5.1.13

il-forum ta’ livell għoli dwar il-kostruzzjoni maħluq mill-Kummissjoni, li se jibda l-ħidma tiegħu f’Jannar 2013, huwa ferm meħtieġ u l-KESE għandu jkun parti minnu.

6.   Kummenti ġenerali

6.1

L-iżvilupp previst tas-settur tal-kostruzzjoni huwa kkaratterizzat minn:

il-prestazzjoni enerġetika tal-bini, l-effiċjenza tar-riżorsi fil-manifattura, it-trasport, l-użu tal-prodotti għall-bini u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura;

l-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju bħala impatt enormi fuq is-settur tal-kostruzzjoni u l-bini;

sfidi globali, li huma:

il-kompetizzjoni globalizzata żbilanċjata;

l-effiċjenza enerġetika;

il-bini sostenibbli;

ir-reżiljenza għad-diżastri;

l-ambjent klimatiku ta’ ġewwa;

l-irkupru, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-bini u tal-materjal;

id-disinn li jaqbel mat-talba tal-klijenti tal-ġejjieni;

it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol;

il-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

is-sħubijiet pubbliċi-privati;

kwistjonijiet speċifiċi għas-saħħa u s-sikurezza;

l-etika tan-negozju.

6.2

Hemm bżonn ta’ “katina tan-nutriment” fis-settur tal-kostruzzjoni bejn l-atturi involuti: il-kumpaniji tal-kostruzzjoni, il-pjanifikaturi, il-periti, id-disinjaturi, l-iżviluppaturi, eċċ għandhom ikunu involuti fl-oqsma ta’ għarfien bħall-finanzjamenti, l-assigurazzjoni, l-akkwist, il-marketing u l-edukazzjoni.

6.3

Sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kumpaniji ta’ kostruzzjoni qed ifasslu firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet u riformi strutturali, inklużi:

it-tneħħija ta’ ostakli tekniċi, ammistrattivi u regolatorji li l-proċeduri tas-sejħiet għall-offerta fl-infrastruttura, il-kostruzzjoni u x-xogħol ta’ assemblar, billi jissemplifikaw il-qafas regolatorju speċifiku u jagħtu responsabbilitajiet deċiżi lill-attur involuti;

ir-reviżjoni tal-mekkaniżmi attwali tal-kuntratti u tal-ħlasijiet li jiġu applikati meta jiġu involuti fondi tal-UE, billi jitjieb il-fluss tad-dokumenti, tiżdied ir-responsabbiltà tal-entitjiet ta’monitoraġġ u kontroll u jsir użu tal-kont miżmum minn terzi, għal kull proġett. L-awditjar u l-kontroll konġunt u reċiproku, kemm tal-benefiċjarju kif ukoll tal-kumpanija tal-kostruzzjoni, fir-rigward ta’ ħlasijiet dovuti u xogħlijiet li jibbenefikaw minn finanzjament tal-Istat u tal-UE, skont proġetti implimentati bil-fondi Ewropej.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2010) 2020, tat-3 ta’ Marzu 2010. Ewropa 2020: Strateġija għal ltkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv:

(2)  Secteur, Strategic Study on the Construction Sector: Final Report: Strategies for the Construction Sector, WS Atkins International (1993).

(3)  Rqpport statistiku tal-FIEC.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni — Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur”

COM(2012) 556 final

2013/C 198/08

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur

COM(2012) 556 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta' April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ bi pjacir il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Esterna dwar l-Avjazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-Ewropa qed isserraħ dejjem aktar fuq il-kummerċ estern u tar-rwol ċentrali li jaqdu l-ajruporti biex jgħaqqdu l-kontinent tagħna mal-bqija tad-dinja, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-aġenda fil-qasam tal-avjazzjoni.

1.2

B’mod partikolari, il-KESE huwa ħerqan li jara progress f’qasir żmien lejn Żona Unika tal-Avjazzjoni mkabbra li tħaddan fiha lill-ġirien tagħna kemm lejn il-Lvant Qarib, il-Lvant tal-Ewropa, ir-Russja, u t-Turkija kif ukoll il-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq. Dan għandu joffri opportunitajiet ta’ żvilupp lil ajruporti sekondarji u reġjonali minħabba li dawn is-swieq huma qrib xulxin ġeografikament u minħabba l-fatt li ħafna minnhom qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku sinifikanti.

1.3

Il-KESE huwa wkoll favur ħafna ta’ aġenda ambizzjuża għal-liberalizzazzjoni mal-pajjiżi BRIC u ASEAN, biex it-trasportaturi Ewropej jingħataw l-opportunità biex iżidu l-kooperazzjoni ma’ kumpaniji tal-ajru oħrajn u biex it-traffiku addizzjonali jgħaddi mill-ajruporti Ewropej.

1.4

Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb li tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet għall-industrija tal-linji tal-ajru. Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod korrett it-taxxi fuq l-avjazzjoni, l-għajnuna mill-istat mhux f’postha, il-konġestjoni tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru, ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-karbonju fost il-fatturi li joħolqu tgħawwiġ fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

1.5

Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-bżonn ta’ investiment fil-kapaċità tal-ajruporti. Hemm bżonn urġenti li tiġi garantita l-kapaċità tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea biex ma tintilifx il-kompetittività meta titqabbel ma’ reġjuni oħra li għaddejjin minn tkabbir, u b’hekk ma jitħallix li t-traffiku jintiret minn reġjuni ġirien.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Il-Kumitat jilqa’ bi pjacir il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Esterna dwar l-Avjazzjoni.

2.2

Il-Kumitat jaqbel ħafna li l-avjazzjoni għandha rwol fundamentali fl-ekonomija Ewropea għaċ-ċittadini u għall-industrija tal-UE. Billi ssostni 5,1 miljun impjieg u tikkontribwixxi EUR 365 biljun jew 2,4 % għall-PDG Ewropew, hija tagħmel kontribut vitali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjieg fl-Unjoni Ewropea.

2.3

B’riżultat tal-isforzi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UE, twaqqfu 1 000 ftehim bilaterali tas-servizzi tal-ajru ma’ 117-il pajjiż li mhumiex fl-UE. Sar ħafna progress fl-iżvilupp ta’ Spazju Komuni tal-Avjazzjoni usa’ mal-pajjiżi ġirien, bi ftehimiet iffirmati diġà ma’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Marokk, il-Ġordan, il-Ġeorġja u l-Moldova.

2.4

Madanakollu, it-tranżizzjoni minn relazzjonijiet bilaterali biss bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi sħab għal taħlita ta’ relazzjonijiet bilaterali u fil-livell tal-UE wasslet għal xi konfużjoni fost il-pajjiżi sħab, u l-interessi tal-UE mhux dejjem ġew definiti u mħarsa bl-aqwa mod.

2.5

Barra minn hekk, il-frammentazzjoni nazzjonali tfisser li l-industrija tal-avjazzjoni għadha soġġetta wisq għall-interessi lokali u li sserraħ wisq fuq inizjattivi ad hoc ibbażati fuq awtorizzazzjonijiet ta’ negozjar individwali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dħul fis-suq u tkabbir effettivi. Il-pass tal-liberalizzazzjoni mhux koordinata tas-suq fil-livell tal-Istati Membri tal-UE ma’ ċerti pajjiżi mhux fl-UE, u dik li tidher li hija l-intenzjoni ta’ xi Stati Membri li jibqgħu jagħtu drittijiet tat-traffiku tal-ajru bilaterali lil pajjiżi terzi mingħajr ma jaraw redditu raġonevoli, jew mingħajr ma jitqiesu l-implikazzjonijiet fil-livell tal-UE, huwa tali li jekk ma naġixxux issa biex nistabbilixxu politika esterna tal-UE aktar ambizzjuża u effettiva, sa ftit snin oħra jaf ikun tard wisq.

2.6

Il-Kunsill ta wkoll awtorizzazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehimiet komprensivi mal-Awstralja u New Zealand. In-negozjati ma’ dawn il-pajjiżi għadhom ma tlestewx. Bħalissa, fl-avjazzjoni Ewropea hemm biss żewġ linji tal-ajru Ewropej li jservu l-Awstralja: il-British Airways u l-Virgin Atlantic. Qabel kien hemm ħafna aktar trasportaturi Ewropej.

2.7

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Konklużjonijiet komprensivi tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni (1), iżda jqis li l-Istati Membri għandhom ikunu aktar espliċiti fl-appoġġ tagħhom għal ċerti negozjati importanti tal-UE, pereżempju billi jagħtu mandat qawwi lill-Kummissjoni biex din ‘tinnormalizza’ ir-relazzjonijiet tensi fil-qasam tal-avjazzjoni mar-Russja.

2.8

L-Amerika Latina hija suq li qed jikber b’pass imgħaġġel u l-fużjoni tal-kumpaniji LAN u TAM hija ta’ theddida kummerċjali reali għall-Iberia, it-Tap u linji tal-ajru Ewropej oħra li jservu lill-Amerika Latina. Il-konklużjoni kemm jista’ jkun malajr tal-ftehim mal-Brażil hija kwistjoni urġenti.

3.   L-importanza tal-hubs

3.1

Minkejja l-iżvilupp ta’ trasportaturi li joffru prezzijiet baxxi (low cost) li fetħu s-servizzi tagħhom għal ajruporti mhux meqjusa bħala ‘hubs’, il-hubs tal-Ewropa huma ta’ importanza kbira fl-avjazzjoni globali u r-relazzjonijiet esterni, minħabba li l-ftehimiet tat-traffiku ta’ sikwit jiffukaw fuqhom.

3.2

It-tkabbir ta’ hubs ewlenin f’postijiet bħal Abu Dhabi u Dubai huwa ta’ theddida kompetittiva sinifikanti għas-servizzi ta’ titjiriet fit-tul tal-UE. Pereżempju, il-ftehim reċenti bejn il-Quantas u l-Emirates huwa theddida serja għall-industrija tal-linji tal-ajru Ewropea.

3.3

Sabiex tkun vijabbli, hub teħtieġ livell sinifikanti ta’ domanda lokali kif ukoll netwerk estensiv ta’ servizzi ta’ kollegament (“feeder”), u huwa għalhekk li l-aktar hubs ta’ suċċess ħafna drabi jinsabu fl-ajruporti tal-bliet ewlenin, li qed isiru aktar ikkonġestjonati u li mhux qed ikunu jistgħu jespandu, l-aktar minħabba kwistjonijiet ambjentali.

3.4

Ċerti ajruporti Ewropej hubs diġà qed jillimitaw l-għadd ta’ rotot ta’ kollegament li jistgħu jiġu operati minħabba nuqqas ta’ kapaċità, u dan għandu jiġi indirizzat b’mod effettiv jekk il-kompetittività Ewropea trid tinżamm.

4.   Il-ħolqien ta’ kompetizzjoni ġusta u miftuħa

4.1

Il-kompetittività tat-trasportaturi tal-UE, li ħafna minnhom qed jitħabtu finanzjarjament, tiġi mfixkla meta l-piżijiet ekonomiċi li jwasslu għal spejjeż ogħla għal kull unità ta’ produzzjoni jkunu ogħla minn dawk ta’ trasportaturi minn reġjuni oħra tad-dinja.

4.2

Huwa importanti li titqies il-katina tal-valur kollha tal-avjazzjoni (ajruporti, fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, manifatturi, sistemi ta’ riservazzjoni bil-kompjuter, groundhandlers, eċċ.) u li l-istrutturi tal-ispejjeż, il-livell ta’ esponiment għall-kompetizzjoni f’partijiet oħra tal-katina tal-valur u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-infrastruttura fi swieq oħra ewlenin jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi vvalutata l-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE u b’mod partikolari l-linji tal-ajru tal-UE internazzjonalment.

4.3

Fi ħdan l-UE, ma nħolqux l-istess kundizzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri u dak lokali/reġjonali. Pereżempju, ma kienx hemm prevenzjoni tal-ħafna każijiet fejn ajruporti żgħar jipprovdu rati mhux kummerċjali lil-linji tal-ajru mingħajr ma jikkonformaw mal-prinċipju tal-investitur privat fis-suq. Is-sensiela ta’ investigazzjonijiet fil-fond li nfetħet dan l-aħħar dwar każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-istat lil linji tal-ajru minn ajruporti reġjonali f’diversi Stati Membri tal-UE tenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex jiġu finalizzati l-linji gwida tal-KE dwar l-Għajnuna mill-Istat li qed jiġu postposti kontinwament. L-adozzjoni reċenti ta’ regoli tal-UE dwar is-sigurtà soċjali għal ħaddiema mobbli fl-UE bħall-ekwipaġġ tal-ajru, ukoll ser itejbu t-tħaddim tas-suq uniku. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni f’ħafna każijiet fejn potenzjalment kien hemm kompetizzjoni inġusta.

5.   Strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq “Aktar Ewropa”

5.1

L-istudju indipendenti li twettaq għall-Kummissjoni kkalkula li permezz ta’ aktar ftehimiet komprensivi dwar it-trasport bl-ajru fil-livell tal-UE ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin, partikolarment fi swieq ristretti u/jew li qed jikbru b’rata mgħaġġla, ikun hemm benefiċċji ekonomiċi sinifikanti ħafna ta’ aktar minn EUR 12-il biljun fis-sena.

5.2

Huwa ta’ importanza strateġika għall-UE li żżomm industrija tal-avjazzjoni qawwija u kompetittiva ibbażata fl-Ewropa u li tkun torbot lill-UE mal-bqija tad-dinja. Is-swieq tal-avjazzjoni li qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla issa jinsabu lil hinn mill-Ewropa, u għalhekk huwa vitali li l-industrija Ewropea jkollha l-opportunità li tikber f’dawn is-swieq ukoll.

5.3

Huwa importanti li jiġi żgurat li, tul iż-żmien, minn dan il-proċess tevolvi żona ta’ avjazzjoni komuni verament integrata fejn ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ġirien infushom isiru miftuħa u integrati wkoll. Ma jagħmilx aktar sens għall-Kunsill li jkollu jqis l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għan-negozjar ta’ ftehimiet fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż. Ikun ħafna aktar effiċjenti li l-Kummissjoni tingħata awtorizzazzjoni unika biex tinnegozja mal-bqija tal-pajjiżi ġirien, iżda xorta fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż.

5.4

Fl-ambitu tat-tielet pilastru (ftehimiet komprensivi ma’ sħab ewlenin) ġew innegozjati għadd ta’ ftehmiet importanti. Madankollu, huwa wkoll qasam fejn ċerti għanijiet ewlenin xorta għad iridu jintlaħqu, partikolarment skont il-ftehimiet UE-Stati Uniti u UE-Kanada rigward il-liberalizzazzjoni tas-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru.

5.5

Ħafna mill-pajjiżi għadhom iħaddnu regoli li jistipulaw li l-linji tal-ajru għandhom ikollhom il-maġġoranza tal-ishma f’idejn persuni biċ-ċittadinanza tagħhom u kkontrollati minnhom, u b’hekk dan iċaħħad lit-trasportaturi tal-ajru l-aċċess għal firxa aktar wiesgħa ta’ investituri u swieq kapitali. L-effett kien li ġiet imposta struttura ta’ industrija artifiċjali fuq is-settur tal-linji tal-ajru li ma teżistix f’industriji oħra. Fl-Istati Uniti, pereżempju, is-sjieda barranija tal-linji tal-ajru hija ristretta għal 25%. B’konsegwenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll feġġew tliet alleanzi globali tal-linji tal-ajru (Star Alliance, Sky Team u Oneworld), u b’mod speċifiku l-impriżi konġunti li nħolqu bejn xi wħud mill-membri tagħhom għal ċerti rotot. Dawn huma l-eqreb ħaġa għal dawk li jistgħu jissejħu linji tal-ajru globali.

5.6

Madanakollu, skont il-leġislazzjoni eżistenti tal-UE, it-trasportaturi tal-UE, mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet nazzjonali għas-sjieda u għall-kontroll iżda jistgħu jkunu proprjetà ta’ kwalunkwe interess tal-UE.

5.7

Ix-xejra ta’ konsolidazzjoni fl-Ewropa hija unika, fis-sens li fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transfruntieri huma permessi biss fl-UE filwaqt li s-sjieda u r-reġimi ta’ kontroll jibqgħu fundamentalment imwaħħla fejn kienu ġew innegozjati fl-1944 fil-Konvenzjoni ta’ Chicago. Id-diffikultajiet li rriżultaw mid-dispożizzjonijiet attwali dwar is-sjieda u l-kontroll huma sinifikanti u jeħtieġu negozjati ma’ pajjiżi sħab u strutturi governattivi kumplessi ħafna. Il-membri ta’ alleanza jikkooperaw aktar u aktar mill-qrib biex joffru lill-konsumaturi servizz effiċjenti ta’ netwerk globali u integrat b’għadd ta’ hubs.

5.8

Wasal iż-żmien biex jittieħdu l-passi addizzjonali previsti fil-ftehim dwar it-trasport bl-ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiġu liberalizzati s-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru, sabiex il-linji tal-ajru jkunu jistgħu jħajru l-investiment irrispettivament min-nazzjonalità tal-investitur.

6.   Prinċipji ewlenin li jiggwidaw il-politika esterna futura tal-UE dwar l-avjazzjoni

6.1

L-UE għandha tkompli tkun kuraġġuża fil-promozzjoni ta’ aktar ftuħ u liberalizzazzjoni fl-avjazzjoni, filwaqt li tassigura li jinkiseb livell sodisfaċenti ta’ konverġenza regolatorja. Fin-negozjati ma’ pajjiżi sħab, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għall-istandards tax-xogħol u tal-ambjent fir-rigward tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali fiż-żewġ oqsma biex jiġi evitat it-tgħawwiġ fis-suq u wieħed jevita ġirja lejn l-iktar livell baxx. Huwa importanti li l-linji tal-ajru li jservu lill-Ewropa jkunu konformi mar-regoli u r-regolamenti tal-ILO.

6.2

Fid-dawl tal-fatt li l-Ewropa qed isserraħ dejjem aktar fuq il-kummerċ estern u tar-rwol ċentrali li jaqdu l-ajruporti biex jgħaqqdu l-kontinent tagħna mal-bqija tad-dinja, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-aġenda fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni.

6.3

Sabiex jittieħdu l-iktar benefiċċji possibbli, huwa importanti li l-UE tgħaġġel (qabel ma l-isforzi tal-liberalizzazzjoni bejn swieq emerġenti jitqawwew) sabiex tgawdi mill-vantaġġ li tkun tal-ewwel. Dan għandu kemm jipproteġi kif ukoll isaħħaħ il-pożizzjoni tas-suq tal-avjazzjoni Ewropea fil-livell globali. Jekk dan ma jseħħx, l-UE tkun qed tirriskja li tiġi skartata kompletament fil-flussi tat-traffiku tal-ajru globali.

6.4

“Li tkun l-ewwel li tieħu l-pass” fil-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni jwassal biex it-tixrid tal-istandards tekniċi Ewropej jikseb rwol importanti, b’benefiċċji sinifikanti għall-industrija ajruspazjali Ewropea.

6.5

Il-KESE ilu ħafna jappoġġja t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq is-sjieda u l-kontroll (2) bħala mezz kif it-trasportaturi jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ investituri u swieq kapitali. Minħabba l-piż taż-żewġt iswieq rispettivi, għall-bidu għandha titpoġġa enfasi qawwija fuq il-fatt li jitkomplew jiżdiedu l-emendi tal-ftehimiet UE-Stati Uniti. Dan għandu l-potenzjal li jwassal għal livell ta’ riferiment għal era ġdida “wara Chicago” fl-avjazzjoni.

6.6

Il-Kummissjoni ser ikollha bżonn turi li l-approċċ ikkoordinat għan-negozjati ser jagħti riżultati fi żmien iqsar sabiex ma jkunx hemm dewmien bla bżonn meta jaslu l-opportunitajiet meta mqabbel mal-impenn bilaterali. Bħalissa qed nixhdu dewmien mhux mixtieq fl-iffirmar tal-ftehim bilaterali mal-Brażil. Hemm bżonn jissemma wkoll li l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għat-tisħiħ tal-politika Ewropea esterna tal-avjazzjoni u li l-Kummissjoni għandha bżonn mandati ta’ negozjar b’saħħithom b’mod partikolari fil-promozzjoni tar-regoli tas-suq tal-UE għall-istati u r-reġjuni fejn l-avjazzjoni taħdem bi standards differenti ħafna.

6.7

Il-pożizzjoni tal-industrija Ewropea tieħu daqqa oħra lura jekk wieħed mit-trasportaturi tal-Lvant Nofsani jieħu l-kontroll ta’ waħda mil-linji tal-ajru Indjani li jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji.

7.   It-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ sħab ewlenin

7.1

Minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, l-industrija Ewropea tal-merkanzija u l-posta rapida b’mod partikolari qed issofri mad-dinja kollha minn ftehimiet bilaterali restrittivi tas-servizzi bl-ajru u għandha tingħata prijorità għolja meta jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq.

7.2

B’mod partikolari, il-KESE huwa ħerqan li jara progress f’qasir żmien lejn Żona Unika tal-Avjazzjoni mkabbra li tħaddan fiha lill-ġirien tagħna kemm lejn il-Lvant Qarib, il-Lvant tal-Ewropa, ir-Russja, u t-Turkija kif ukoll il-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq. Dan għandu joffri opportunitajiet ta’ żvilupp lil ajruporti sekondarji u reġjonali minħabba li dawn is-swieq huma qrib xulxin ġeografikament u minħabba l-fatt li ħafna minnhom qed jesperjenzaw tkabbir ekonomiku sinifikanti. Aġenda pożittiva u prammatika għall-kooperazzjoni mat-Turkija għandha tippermetti progress li jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet biex jiġu riżolti kwistjonijiet konkreti fir-reġjun. B’mod partikolari, għandu jiġi avvanzat ftehim bilaterali dwar is-sikurezza.

7.3

Il-KESE jappoġġja bil-qawwi wkoll aġenda ta’ liberalizzazzjoni ambizzjuża mal-pajjiżi BRIC u ASEAN. Dawn in-nazzjonijiet f’qasir żmien qed isiru l-fornituri globali ewlenin kemm ta’ materja prima kif ukoll ta’ oġġetti u servizzi manifatturati, u l-popolazzjonijiet tagħhom għandhom tendenza jivvjaġġaw ħafna. Intwerew benefiċċji ekonomiċi potenzjali sinifikanti mill-ftehimiet komprensivi tal-UE dwar it-trasport bl-ajru maċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Amerika Latina. Dawn il-ftehimiet għalhekk għandhom jiġu segwiti. Il-liberalizzazzjoni tat-traffiku tal-ajru għandu jagħti l-opportunità lit-trasportaturi Ewropej biex iżidu l-kooperazzjoni ma’ linji tal-ajru oħrajn f’dawn ir-reġjuni u jgħaddu traffiku addizzjonali minn ajruporti Ewropej.

7.4

Huwa importanti wkoll li kull ftehim ikun ta’ natura reċiproka, u li jgawdu minnu kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, ir-Russja mill-aktar fis possibbli jeħtieġ turi l-impenn tagħha għall-ftehim tal-2011 dwar l-implimentazzjoni tal-“Prinċipji maqbula dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tat-titjir fuq territorju Siberjan”. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Istati Membri, għandha tieħu l-miżuri neċessarji jekk l-impenji ma jiġux rispettati.

7.5

Ir-relazzjonijiet mal-Istati tal-Golf fl-aħħar snin kienu fil-biċċa l-kbira proċess f’direzzjoni waħda ta’ ftuħ tas-swieq tal-UE għat-trasportaturi tal-Golf, li ħoloq żbilanċi sinifikanti fl-opportunitajiet. Minħabba l-potenzjal ta’ żieda fit-traffiku li jintwiret minn postijiet oħra, mhux qed jiġi rakkomandat li l-Istati tal-Golf jingħataw enfasi fit-tkomplija tan-negozjati.

8.   Investiment fl-ajruporti

8.1

Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-bżonn ta’ investiment fil-kapaċità tal-ajruporti. Iżda, din it-taqsima tal-proposta teħtieġ aktar kjarifiki dwar liema huma l-azzjonijiet proposti biex jitwasslu l-għanijiet, kif ukoll ir-relazzjoni mal-proposta tal-Kummissjoni li saret aktar qabel dwar il-“Pakkett tal-Ajruporti” (3).

8.2

Hemm bżonn urġenti li tiġi garantita l-kapaċità tal-ajruporti fl-Unjoni Ewropea biex ma tintilifx il-kompetittività meta titqabbel ma’ reġjuni oħra li għaddejjin minn tkabbir, u b’hekk ma jitħallix li t-traffiku jintiret minn reġjuni ġirien.

8.3

Il-ħsara għall-ekonomija Ewropea ser tibda ħafna qabel ma d-domanda taqbeż l-offerta. Skont il-Eurocontrol, ladarba ajruporti ‘hub’ jibdew jużaw aktar minn 75 % tal-kapaċità teoretika massima tagħhom, il-ħila tagħhom li jkampaw b’mod effiċjenti b’temp ħażin, dewmien ikkawżat mill-operattiv, u li jipprovdu konnettività tat-titjiriet ta’ min joqgħod fuqha tonqos malajr.

8.4

Barra minn hekk, fis-sigħat l-aktar biżlin, il-passiġġieri qed iħallsu aktar milli jkollhom iħallsu kieku kien hemm kapaċità akbar. Pereżempju, il-Kumitat tat-Trasport tal-House of Commons tar-Renju Unit, dan l-aħħar ġie infurmat li sal-2030 il-vjaġġaturi jistgħu jkunu qed iħallsu sa GBP 1,2 biljun f’biljetti tal-ajru jekk ma jkunx hemm espansjoni tal-ajruporti fix-Xlokk tal-Ingilterra.

8.5

Il-kapaċità tal-ajruporti trid tiġi monitorjata fil-livell tal-UE, u l-linji gwida tal-UE għandhom jiġu rispettati. Dan ser jipprovdi lill-awtoritajiet lokali b’qafas komuni komprensiv meta jkunu qed iqisu skemi ta’ espansjoni tal-ajruporti.

8.6

Filwaqt li l-espansjoni tal-kapaċità tal-ajruporti ewlenin hija assolutament meħtieġa għat-tul, għad fadal ukoll il-bżonn li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità eżistenti, b’mod partikolari rigward is-slots tal-ajruporti. Hemm bżonn li l-ajruporti jingħataw is-setgħa jwieġbu għall-bidliet fil-provvista u d-domanda, u li jkunu kapaċi jiggwidaw l-użu tas-slots tal-ajruporti tagħhom lejn l-aħjar riżultat ekonomiku. F’dan il-kuntest huwa importanti li l-element tas-slots tal-Pakkett tal-Ajruporti attwali (4), ikompli jiffaċilita prestazzjoni mtejba fl-użu tal-kapaċità tal-ajruporti billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-lokalità meta jiġu allokati s-slots, għax dan effettivament ikun l-uniku mod kif ċerti ajruporti ser ikunu kapaċi jikbru fil-ġejjieni. L-użu tar-runways fl-ajruporti ewlenin qiegħed l-ogħla li jista’ jkun f’ħafna każijiet, filwaqt li hemm ħafna kapaċità f’ajruporti reġjonali qrib.

8.7

Ajruporti mhux hubs ukoll jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tal-konġestjoni tal-hubs ewlenin tal-Ewropa, biex b’hekk is-settur tal-ajruporti Ewropej ikun jista’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu fuq quddiem. Peress li l-espansjoni tar-runways u tal-faċilitajiet tat-terminali fl-ajruporti ewlenin tieħu ħafna żmien, l-użu ikbar u investiment adegwat f’ajruporti mhux hub jistgħu itaffu l-problemi tal-kapaċità b’mod immedjat. Netwerk żviluppat tajjeb ta’ dawn l-ajruporti mhux hub u reġjonali ser itejjeb ukoll is-sikurezza tal-passiġġieri, billi jiżgura, fost affarijiet oħra, li netwerk ta’ emerġenza jew ajruporti alternattivi jkunu disponibbli f’każ li t-temp imur għall-agħar jew f’ċirkostanzi oħra.

8.8

Il-KESE jtenni wkoll l-appell tiegħu għall-introduzzjoni mingħajr iktar dewmien ta’ sigurtà f’post wieħed, għax dan ifisser tfaddil kbir fl-ispejjeż għal-linji tal-ajru, u jiffranka wkoll il-ħin għall-passiġġieri. Għaldaqstant is-suġġett għandu jiġi indirizzat bħala prijorità mal-imsieħba ċentrali.

9.   Ajru UNIKU / SESAR

9.1

Hemm bżonn ta’ blokkijiet ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) sabiex l-Ajru Uniku Ewropew jimxi ’l quddiem. Il-blokkijiet ta’ spazju tal-ajru funzjonali kollha kellhom ikunu qed jaħdmu fl-4 ta’ Diċembru 2012. Minħabba li l-kwistjoni tal-ottimizzazzjoni tal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-ġestjoni effettiva tal-volum tat-traffiku tal-ajru hija waħda kritika, huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tieħu l-passi fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kontra dawk l-Istati Membri li ma kisbux dak li kien mitlub.

9.2

It-twettiq bla xkiel u konsistenti tal-proposti tal-Kummissjoni jista’ jgħin lill-industrija tikber b’mod sostenibbli u għaldaqstant tikkontribwixxi b’mod sħiħ għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea.

10.   Għodod li għandhom jiġu applikati

10.1

Ftehimiet komprensivi dwar is-servizzi tal-ajru ma’ pajjiżi ġirien u sħab ewlenin u tal-istess ħsieb għandhom jindirizzaw u jissinkronizzaw il-kundizzjonijiet regolatorji għal kompetizzjoni ġusta u għal industrija sostenibbli tal-avjazzjoni, inkluż aspetti essenzjali bħas-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u r-regolazzjoni ekonomika.

10.2

X’sura ser jieħu eżattament l-istrument il-ġdid propost biex jipproteġi l-interessi Ewropej kontra l-prattiċi inġusti għadu mhux ċar kompletament, iżda għandu jieħu s-sura ta’ proċedura ta’ ilmenti usa’ li tindirizza s-“sussidji moħbija” li huma riflessi fit-tariffi. Wieħed jassumi li dan jikseb piż legali permezz ta’ “klawżoli ta’ kompetizzjoni ġusta” li l-Kummissjoni qed tippjana li tiffirma ma’ dawn l-istati esterni.

10.3

Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb li tiġbed l-attenzjoni li l-ħtieġa għall-kisba tal-istess kundizzjonijiet internazzjonalment tiġi akkumpanjata bi sforzi simili fi ħdan l-Ewropa. L-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa hija soġġetta għal piżijiet regolatorji u inkonsistenzi dejjem ikbar. Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod korrett it-taxxi fuq l-avjazzjoni, għajnuniet mill-istat mhux f’posthom, il-konġestjoni tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru, ir-responsabbiltajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ispejjeż tal-emissjonijiet tal-karbonju fost il-fatturi li joħolqu tgħawwiġ fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

10.4

Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS). L-ETS hija kwistjoni taħraq fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-politika esterna tal-avjazzjoni. Iċ-Ċina u l-Indja rrifjutaw li jikkonformaw, filwaqt li l-Kungress tal-Istati Uniti għadda leġislazzjoni li tagħmilha illegali għal-linji tal-ajru li jobdu r-regoli tal-UE. Filwaqt li tiżgura li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà ambjentali tibqa’ kwistjoni kritika, l-UE għandha bżonn tagħti ċ-ċans lill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) toħroġ bi proposta għal soluzzjoni globali li magħha jistgħu jaqblu l-pajjiżi msieħba kollha fl-Assemblea tal-ICAO fil-Ħarifa tal-2013, minflok ma l-avjazzjoni tal-UE titpoġġa fi żvantaġġ kompetittiv (5).

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Konklużjonijiet tat-3213-il laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, Brussell, 20 ta’ Diċembru 2012.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi fis-settur tat-trasport bl-ajru”, ĠU C 306 – 16/12/2009, pp. 1-6.

(3)  COM(2011) 823 final; ĠU C 277, 13.9.2012, p. 110–124.

(4)  COM/2011/0827 final/2 - 2011/0391 (COD).

(5)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità” - COM(2012) 697 final - 2012/328 (COD)), Kat. B1.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli”

COM(2012) 595 final — 2012/0288 (COD)

2013/C 198/09

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar id-19 ta’ Novembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

COM(2012) 595 final – 2012/0288 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, 26 vot kontra u 23 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE dejjem kien favur li jsir użu ikbar mill-enerġija rinnovabbli, inklużi l-bijokarburanti. Iżda fl-Opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli huwa diġà esprima l-kritika tiegħu dwar l-introduzzjoni tal-agrokarburanti fil-qasam tat-trasport. Huwa jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li sehem il-“bijokarburanti konvenzjonali” jiġi limitat għal 5 %.

1.2

Il-Kummissjoni issa tixtieq tħeġġeġ aktar l-użu tal-enerġija minn prodotti residwi, sekondarji u tal-iskart fil-produzzjoni tal-karburanti. Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ dan imma għandu jiġi żgurat li tinkiseb politika koerenti u dan mingħajr ma jinħolqu problemi ġodda. U hawnhekk il-KESE jqis li hemm ir-riskji fil-Proposta tal-Kummissjoni.

1.3

Għalkemm il-bijomassa hija rinnovabbli, l-uċuħ minn fejn tinħasad huma limitati. Għalhekk hija ħaġa tajba li t-tibdiliet indiretti fl-użu tal-art (ILUC) – fil-kuntest tal-kompetizzjoni għall-art – jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika u l-istrateġija. Dan it-tip ta’ tibdil u kompetizzjoni jseħħ biss meta l-produzzjoni tal-ikel tal-bnedmin jew tal-għalf tal-annimali tiġi sostitwita pereżempju mill-produzzjoni tal-bijoenerġija, mhux sempliċiment bir-rilokazzjoni reġjonali tal-kultivazzjoni.

1.4

L-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq l-ILUC jagħmel parti minn evalwazzjoni komparattiva tas-sorsi tal-enerġija fossili u bijoġenika li tħares biss lejn l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-provvista jew in-natura limitata tal-karburanti fossili ma jidħlux f’din ir-relazzjoni matematika u huma injorati. Għaldaqstant, l-ILUC mhumiex adegwati bħala politika għas-sostenibbiltà.

1.5

Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq l-ILUC huwa wkoll dubjuż peress li huwa intiż għall-provvista ta’ sorsi ta’ karburanti likwidi mhux fil-forma ta’ gass jew solidi. Il-KESE ma jaqbilx ma’ dan il-punt.

1.6

B’din il-Proposta jinxteħet id-dubju fuq il-produzzjoni Ewropea tal-proteini u b’hekk fuq l-enerġija miż-żjut veġetali, li f’ċerti setturi jagħmel sens, għax il-Kummissjoni tagħti klassifikazzjoni tal-ILUC liż-żjut veġetali u dan ifisser li jridu jiġu limitati. Dan mhuwiex ġustifikat. Iż-żjut veġetali mhumiex prodott primarju, imma prodott sekondarju li jirriżulta mill-kultivazzjoni mixtieqa tal-pjanti tal-proteini fl-Ewropa. Il-kultivazzjoni tal-għelejjel ta’ pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt fl-Ewropa, li fl-istess ħin tipproduċi l-proteini u ż-żjut veġetali (u b’hekk tiġi sostitwita l-importazzjoni tas-soja), għandha tiġi promossa bħala metodu ta’ kultivazzjoni agrikola sostenibbli u mhux tiġi limitata.

1.7

Fil-każ tal-bijokarburanti “avvanzati”, li l-Kummissjoni Ewropa issa tixtieq tippromovi, il-KESE jqis li hemm il-periklu li l-bjar potenzjali prezzjużi ta’ karbonju (bħall-injam, it-tiben u l-weraq) jintużaw bħala bażi għall-karburanti, ħaġa li twassal biex tiżdied il-konċentrazzjoni tas-CO2 fl-atmosfera (ara l-punt 4).

1.8

Fil-fehma tal-KESE, l-emenda proposta għad-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli mhijiex bażi promettenti għal strateġija li verament timminimizza l-użu tal-karburanti fossili, li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa u tgħin biex tħares l-ambjent.

1.9

Il-bijokarburanti ta’ kwalunkwe tip mhumiex effettivi kontra l-użu eċċessiv mifrux tal-enerġija. Biss biss id-disponibbiltà limitata waħidha tfisser li dawn ma jistgħux jissostitwixxu l-karburanti fossili. Għalhekk, din hi l-aktar l-aktar soluzzjoni temporanja – b’mod partikolari fil-każ tal-karozzi, fejn kważi wasalna biex ikollna alternattiva għall-enerġija likwida – li jista’ jkollha effetti sekondarji negattivi konsiderevoli u bl-ebda mod m’għandha tfixkel l-attenzjoni mill-fatt li l-bżonn li nnaqqsu l-użu tal-enerġija huwa inevitabbli, irrispettivament mis-sors tal-enerġija.

1.10

Il-KESE huwa konxju li f’ċerti oqsma relatati mal-mobbiltà, l-agrikoltura u l-forestrija bħalissa m’hemm l-ebda alternattiva prattikabbli għall-karburanti likwidi. Iż-żjut veġetali puri hawnhekk jistgħu jservu bħala alternattiva prattika iżda l-volum tal-produzzjoni tagħhom hu limitat, u għalhekk l-użu tagħhom irid jiġi ppjanat b’mod strateġiku ħafna.

1.11

Lanqas il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Enerġija nadifa għat-trasport: Strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi” (1), li mil-lat strateġiku hi marbuta mal-politika tal-bijokarburanti, ma toffri approċċ adegwat (2).

1.12

B’mod ġenerali, il-KESE jara nuqqas serju ta’ koerenza bejn id-diversi approċċi ta’ politika tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex b’mod ġenerali tiddefinixxi mill-ġdid il-politika tagħha dwar il-bijokarburanti, l-iktar fir-rigward tat-trasport. Hawnhekk għandhom jitqiesu kemm in-natura limitata tal-art (u b’hekk tal-bijomassa), il-prestazzjoni u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bijokarburanti differenti (u b’hekk id-diversi potenzjali tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra) kif ukoll il-fattibbiltà ekonomika. It-telf tal-enerġija fil-proċess tal-konverżjoni għandu jingħata ħafna iktar attenzjoni, għandhom jiġu żviluppati u promossi alternattivi għall-magna ta’ kombustjoni interna fis-settur tat-trasport (bħall-mobbiltà bl-elettriku, it-teknoloġija tal-idroġenu) u għandha tiġi żviluppata strateġija Ewropea separata għall-produzzjoni sostenibbli tal-proteini u ż-żjut veġetali u l-użu tagħhom.

2.   Introduzzjoni: kuntest tal-politika u preżentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni

2.1

Id-Direttiva 2009/28/KE (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) tistabbilixxi miri vinkolanti għall-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli (minn hawn ’il quddiem imsejħa ER), li sal-2020 għandha ssawwar 20 % tal-konsum totali tal-enerġija. L-Istati Membri ngħataw flessibbiltà fil-wisa’ biex jimplimentawha, peress li għandhom il-libertà li jagħżlu f’liema settur (l-elettriku, it-tisħin/it-tkessiħ, it-trasport) jixtiequ jkunu l-iktar attivi.

2.2

Iżda din il-flessibbiltà hija kwalifikata fir-rigward tas-settur tat-trasport; id-Direttiva tistabbilixxi persentaġġ minimu ta’ 10 % tal-użu tal-enerġija. Barra minn hekk, inizjalment kien hemm il-ħsieb li dan il-persentaġġ ikun fil-forma ta’ bijokarburanti (3) imma wara kritika mill-KESE u l-PE ġie deċiż li jitqiesu tipi oħra ta’ enerġija rinnovabbli (bħall-elettriku minn sorsi rinnovabbli għall-karozzi u l-ferroviji, il-bijogass, eċċ.).

2.3

L-emendi proposti huma r-riżultat ta’ rapport li l-Kummissjoni ħarġet fl-2010 dwar “Bidla indiretta fl-użu tal-art relatata mal-bijofjuwils u mal-bijolikwidi” (4), fejn ġie nnotat “li huwa importanti li l-bidla indiretta fl-użu tal-art għall-bijofjuwils tiġi ttrattata”.

2.4

Fil-prinċipju, l-approċċ ikkritikat mill-KESE għall-użu tal-karburanti mill-pjanti fit-trasport ġie stabbilit, imma l-“agrokarburanti konvenzjonali” ser jiġu limitati u ser titnieda tranżizzjoni lejn l-hekk imsejħa agrokarburanti “avvanzati” li mhux suppost jirrappreżentaw theddida għat-tibdil indirett fl-użu tal-art. Il-bijokarburanti li l-Kummissjoni tiddefinixxi bħala “avvanzati” huma likwidi u jiġu prodotti pereżempju minn sorsi bħall-iskart/residwi bijoġeniċi jew l-algi. Skont il-Kummissjoni, il-produzzjoni tagħhom għandha tiġi mħeġġa, peress li bħalissa mhumiex disponibbli fi kwantitajiet kummerċjali kbar. Għandhom jinħolqu inċentivi billi jiżdied l-ippeżar tal-“bijokarburanti avvanzati” meta mqabbel ma’ dak tal-agrokarburanti konvenzjonali fir-rigward tat-twettiq tal-mira ta’ 10 % għat-trasport li ġiet stabbilita fid-Direttiva 2009/28/KE.

2.5

Bil-proposti tagħha l-Kummissjoni qed issegwi l-għanijiet li ġejjin:

li l-kontribut tal-bijokarburanti konvenzjonali għall-miri stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jiġi limitat għal mhux iktar minn 5 % tal-użu tal-enerġija fit-trasport jew mhux iktar minn nofs il-mira ta’ 10 %;

li jiġu mħeġġa l-“bijokarburanti avvanzati” (b’ILUC baxxa jew l-ebda ILUC) billi jkun permess li karburanti bħal dawn jikkontribwixxu aktar għall-miri tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli minn agrokarburanti konvenzjonali;

li tittejjeb il-prestazzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ proċessi ta’ produzzjoni tal-bijokarburanti (tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjati) billi jiżdied l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-impjanti l-ġodda;

li jittejjeb ir-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra billi jkun hemm l-obbligu li l-Istati Membri u l-fornituri tal-karburanti jirrappurtaw emissjonijiet marbuta ma’ tibdil indirett fl-użu tal-art ikkawżat mill-bijokarburanti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fl-Opinjoni (5) tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li dak iż-żmien kienet għadha abbozz, il-KESE laqa’ u appoġġja l-prijoritajiet ġenerali tad-Direttiva, iżda kkritika l-użu tal-bijoenerġija fit-trasport.

3.2

L-Ewropa teħtieġ żvilupp konsistenti tal-enerġija rinnovabbli, imma fl-istess ħin teħtieġ ukoll iffrankar konsistenti fl-użu tal-enerġija, titjib effettiv u komprensiv fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll tibdil strutturali f’diversi oqsma (pereżempju, il-politika tat-trasport).

3.3

Madankollu, il-KESE ma aċċettax it-trattament speċjali tat-trasport u l-enfasi fuq l-agrokarburanti għaliex, fost affarijiet oħra, “il-pass strateġiku li jikkonsisti fis-sostituzzjoni parzjali tad-diżil jew tal-petrol permezz tal-agrokarburanti hija waħda mill-miżuri għall-ħarsien tal-klima li hija l-inqas effettiva u l-iżjed li tiswa flus, u llum il-ġurnata din tfisser allokazzjoni ħażina ħafna tal-fondi. Il-KESE ma jarax għaliex l-iżjed miżuri li jiswew il-flus huma dawk li jiġu appoġġjati l-iktar fil-livell politiku. Barra mill-aspetti ekonomiċi għad hemm ukoll nuqqas kbir ta’ risposti għall-kwistjonijiet ekoloġiċi u soċjali […]. Għalhekk huwa jirrifjuta l-objettiv speċifiku ta’ 10 % għall-agrokarburanti (6). Ma nbidel xejn f’din il-pożizzjoni.

3.4

Madankollu, il-Kummissjoni m’għandhiex timmira lejn 10 %. Minflok, l-għan tagħha għandu jkun li tiżviluppa politika koerenti li jkollha għan fit-tul li 100 % tal-karburanti fossili li qed jintużaw bħalissa kemm jista’ jkun jiġu sostitwiti.

3.5

Bil-livell ta’ traffiku attwali l-agrokarburanti ser jaqdu rwol ferm limitat biex tinkiseb din il-mira. L-FAO kkalkulat li biex l-agrokarburanti jkopru l-ħtiġijiet dinjija attwali tal-enerġija fis-settur tat-trasport, żewġ terzi tal-artijiet agrikoli disponibbli bħalissa fid-dinja kollha jridu jibdew jintużaw għall-produzzjoni tal-agrokarburanti.

3.6

L-impatt ta’ politika bħal din f’termini ta’ tibdiliet indiretti tal-użu tal-art huwa ċar.

3.7

Għalhekk, il-bijokarburanti ta’ kwalunkwe tip mhumiex effettivi kontra l-użu eċċessiv mifrux tal-enerġija. Biss biss id-disponibbiltà limitata waħidha tfisser li dawn jistgħu jissostitwixxu l-karburanti fossili b’mod limitat ferm biss. Għalhekk, din hi l-aktar l-aktar soluzzjoni temporanja – b’mod partikolari fil-każ tal-karozzi, fejn kważi wasalna biex ikollna alternattiva għall-enerġija likwida – li jista’ jkollha effetti sekondarji negattivi konsiderevoli u bl-ebda mod m’għandha tfixkel l-attenzjoni mill-fatt li t-tnaqqis tal-użu tal-enerġija li nużaw huwa inevitabbli, irrispettivament mis-sors tal-enerġija.

3.8

Waħda mir-raġunijiet għalfejn il-KESE kkritika l-proposta tal-Kummissjoni tal-2008 kienet il-kwistjoni tat-tibdiliet indiretti tal-użu tal-art. Il-Kumitat għalhekk jilqa’ l-approċċ attwali bil-għan li jiġi limitat l-użu tal-agrokarburanti konvenzjonali.

L-approċċ tal-ILUC huwa komprensibbli imma għandu nuqqasijiet serji

3.9

L-approċċ teoretiku tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ILUC huwa komprensibbli: kull meta art agrikola li s’issa ntużat għall-ikel tal-bnedmin jew għall-għalf tal-annimali tibda tintuża b’mod differenti (bħall-agrokarburanti, imma anke pjanti li jintużaw bħala materjal, eċċ.), dan l-ikel tal-bnedmin jew l-għalf tal-annimali jrid jiġi prodott xi mkien ieħor, ħaġa li jista’ jkollha effetti ekoloġiċi u soċjali negattivi.

3.10

Għalhekk jagħmel sens li dawn it-tibdiliet indiretti fl-użu tal-art (ILUC) jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-politika.

3.11

Skont studju kkummissjonat mill-Kummissjoni ġie stmat li jekk l-użu tal-agrokarburanti fl-UE kollha jiżdied minn inqas mill-5 % attwali għal 10 %, dan biss iwassal għal tibdiliet indiretti fl-użu ta’ 1,4 miljun ettaru ta’ art.

3.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, il-PE u l-Kunsill, li t-tibdiliet indiretti fl-użu tal-art mhumiex ikkawżati biss mill-użu tal-karburanti likwidi. Minflok, din hija ħaġa inerenti fl-użu tal-bijomassa billi din mhix ġejja mill-iskart.

3.13

Dan ifisser li, għal finijiet ta’ konsistenza, fil-każ tas-sorsi tal-enerġija gassużi u solidi għandu jsir sforz simili għal dak li qed isir issa għall-karburanti likwidi. Fl-2011, fil-Ġermanja, pereżempju, apparti mill-1,2 miljun ettaru art agrikola fejn ġew ikkultivati pjanti għall-produzzjoni ta’ agrokarburanti konvenzjonali, diġà kienu qed jintużaw madwar miljun ettaru ieħor għall-kultivazzjoni ta’ pjanti (l-iktar tal-qamħirrum) intiżi għall-produzzjoni tal-bijogass. Jekk il-pjanti jintużaw għall-karburant, jitqies il-fattur ILUC, imma jekk jiġu kkonvertiti f’elettriku, dan ma jitqiesx. Dan mhuwiex raġunament loġiku jew konsistenti.

3.14

Il-KESE jqis li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija bħall-bijomassa, li tirrikjedi art separata, fit-trasport jagħmel sens biss meta m’hemm l-ebda alternattiva prattikabbli oħra. Għad li l-bijomassa hija rinnovabbli, l-art hija disponibbli f’ammonti limitati.

3.15

Ħafna drabi l-alternattivi jew ikunu disponibbli jew ikunu jistgħu jiġu żviluppati, pereżempju fil-qafas tal-mobbiltà bl-elettriku, fejn tista’ tiġi ġġenerata l-enerġija mir-riħ u mix-xemx filwaqt li tintuża inqas art: il-produzzjoni ta’ 10 GWh elettriku fis-sena, pereżempju, teħtieġ 400 ettaru ta’ art kultivata bil-qamħirrum (għall-elettriku tal-bijogass), imma biss 8 ettari ta’ soqfa bit-tagħmir fotovoltajku jew 0,3 ta’ ettaru (jekk tintuża l-enerġija mir-riħ). Fi kliem ieħor: meta, pereżempju, il-mobbiltà elettrika tkun fattibbli u ekonomikament vijabbli jew tkun tista’ tiġi implimentata fil-prattika, din għandha tkompli tiġi żviluppata u użata sabiex tiġi evitata jew imnaqqsa kemm jista’ jkun il-kompetizzjoni għall-art.

3.16

Fil-proposta tal-Kummissjoni, il-Kumitat ma jara l-ebda strateġija globali konsistenti għall-bijoenerġija, u lanqas soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi fit-trasport li tikkwota kemm-il darba, jiġifieri:

a)

id-dipendenza qawwija ħafna mill-importazzjoni tal-enerġija u

b)

in-nuqqas ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

L-approċċ il-ġdid bilkemm ser itejjeb il-ħarsien tal-klima u s-sigurtà tal-provvista

3.17

Il-Kummissjoni hija konxja li l-hekk imsejħa bijokarburanti avvanzati li jinħarġu mill-iskart jew l-alki huma konsiderevolment ogħla mill-“agrokarburanti konvenzjonali” mill-pjanti tal-ikel. Peress li l-Kummissjoni tassumi li l-karburanti avvanzati ser ikunu meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta’ 10 %, daret għal gimmick tal-kontabbiltà biex jintlaħaq dan l-għan. Kull litru ta’ “karburant avvanzat” manifatturat mill-materja prima elenkata fil-Parti A tal-Anness IX tal-abbozz ta’ direttiva (jiġifieri, l-alka, it-tiben, id-demel tal-annimali u l-ħama tad-drenaġġ, il-qxur tal-ġewż jew il-qxur tas-siġar, il-fdalijiet mill-qtugħ tas-siġar u s-serratura jew il-weraq) jiġu multiplikati b’erbgħa, jiġifieri jiġu peżati sabiex jilħqu valur ta’ erba’ litri “agrokarburant konvenzjonali”. Fil-każ tal-karburanti li pereżempju jkunu magħmulin miż-żejt tat-tisjir użat, mix-xaħam tal-annimali, mill-materjal ċellulożiku mhux tal-ikel (Anness IX, Parti B), dawn jiġu multiplikati bi tnejn.

3.18

Dan ifisser li b’sehem ta’ 2,5 % ta’ “karburanti avvanzati” li jiġi multiplikat b’erbgħa jista’ jintlaħaq l-għan ta’ 10 %. Jekk nassumu li dawn il-“karburanti avvanzati” jipproduċu 60 % inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-karburanti fossili, l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport għandhom jonqsu b’madwar 1,5 %. Peress li l-emissjonijiet tat-trasport jgħoddu għal madwar 25 % tal-emissjonijiet globali tal-UE dan ifisser tnaqqis globali ta’ emissjonijiet ta’ inqas minn 0,5 %!

3.19

Irrispettivament minn jekk il-mira ta’ 10 % tintlaħaqx bi 2,5 % ta’ bijokarburanti moderni jew b’taħlita ta’ sehem massimu ta’ 5 % bijokarburanti konvenzjonali u pereżempju 1,25 % bijokarburanti avvanzati, dan bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala kontribut sostanzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista fl-UE jew għall-isforzi għall-ħarsien tal-klima.

3.20

Fil-perjodu fit-tul, ser ikun hemm bżonn li l-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport ikun ħafna aktar mill-mira attwali ta’ 10 %. Il-Kummissjoni nnifisha qed tippjana biex sal-2050 ikun hemm tnaqqis sa 67 % fl-emissjonijiet b’effett ta’ serra fit-trasport. Il-Proposta eżaminata hawnhekk ma tipproponi l-ebda approċċ għal strateġija promettenti biex jintlaħaq dan il-għan.

L-approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-istrateġija Ewropea dwar il-proteini

3.21

Il-KESE jenfasizza li l-approċċ ILUC jista’ jitqies biss fil-każ ta’ użi ġodda tal-art, u mhux fil-każ ta’ rilokazzjoni reġjonali tal-użi eżistenti. U huwa preċiż hawnhekk li fil-proposta tal-Kummissjoni hemm żball kunċettwali kruċjali.

3.22

Fil-kalkoli tagħha tal-ILUC, il-Kummissjoni tinnota li fil-produzzjoni taż-żjut veġetali jinħoloq prodott sekondarju msejjaħ kejk taż-żejt u l-proteina, li l-valur tiegħu jiġi stmat biss f’termini ta’ politika tal-klima għaliex il-valur tal-kombustjoni tiegħu jitqies biss fl-evalwazzjoni komparattiva tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

3.23

Iżda fl-Ewropa ħadd ma ġietu l-idea li jaħraq il-kejkijiet taż-żejt. Il-fatt hu li l-kultivazzjoni tal-għelejjel ta’ pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt fl-Ewropa tagħmel ħafna sens. Iż-żerriegħa tal-kolza, pereżempju, f’dawn l-aħħar deċenji ġiet żviluppata biex tkun kultivata bħala għalf tal-annimali bil-għan li tittejjeb il-provvista ferm fqira tal-proteini fl-Ewropa. Il-KESE kemm-il darba saħaq fuq l-urġenza ta’ din il-kwistjoni, peress li 75 % tal-proteini llum irid jiġi importat. Bil-kultivazzjoni Ewropea tal-proteini, l-importazzjoni tal-pjanti tal-proteina bħas-soja tista’ titnaqqas u b’hekk jonqsu wkoll l-effetti ekoloġiċi u soċjali negattivi li jinbtu parzjalment mill-kultivazzjoni industrijali tas-soja barra l-UE.

3.24

Għalhekk, iż-żejt veġetali mhuwiex l-għan prinċipali tal-kultivazzjoni tal-għelejjel ta’ pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt. Madwar żewġ terzi tal-ħsad jikkonsisti mill-kejk tal-proteina, filwaqt li terz biss huwa żejt pressat. Għalhekk iż-żejt, bħat-tiben li jirriżulta (7) matul il-produzzjoni, huwa prodott sekondarju jew skart.

3.25

Minn banda, il-Kummissjoni tgħid li tixtieq tippromovi l-prodotti sekondarji u tal-iskart, iżda mill-banda l-oħra fil-proposta tagħha jinxteħet id-dubju kemm fuq il-produzzjoni Ewropea tal-proteini kif ukoll fuq l-użu dirett, li jagħmel ħafna sens, taż-żjut veġetali. Din il-politika bl-ebda mod m’hija koerenti.

L-ILUC huwa biss kriterju wieħed; il-bijoenerġija mhix biss kwistjoni ta’ użu tal-art u ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

3.26

Bil-proposta tagħha l-Kummissjoni tirriduċi d-dibattitu dwar il-bijoenerġija għal evalwazzjoni komparattiva tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-sorsi tal-enerġija fossili u rinnovabbli. L-approċċ tagħha huwa li tippermetti biss il-karburanti bijoġeniċi fid-Direttiva ER jekk inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’ċertu ammont meta mqabbla mal-karburanti fossili.

3.27

Il-KESE jenfasizza li politika bħal din mhijiex suffiċjenti għax teskludi kwistjonijiet importanti oħra bħas-sigurtà tal-provvista (inkluż l-iżvilupp tal-istrutturi reġjonali tal-provvista). Lanqas il-kwistjoni tan-natura limitata tal-materja prima/enerġija fossili, l-aspetti soċjali bħar-rilokazzjoni tal-bdiewa ż-żgħar jew il-gruppi indiġeni fir-raba’ barra l-UE u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fis-swieq tal-ikel ma jingħataw attenzjoni. Dan għaliex, bil-kontra tal-ILUC, dawn ma jistgħux jiġu konvertiti f’valuri ekwivalenti għall-gassijiet b’effett ta’ serra u mdaħħla f’tabella matematika.

3.28

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni komparattiva tal-gassijiet b’effett ta’ serra ma tagħmilx distinzjoni stretta biżżejjed bejn iż-żejt mhux maħdum (bħala bażi għall-petrol, id-diżil u l-pitrolju) li hu riżorsa fossili u limitat u, pereżempju, iż-żejt veġetali (bħala prodott sekondarju tal-istrateġija Ewropea dwar il-proteini) li hu rinnovabbli u jista’ jibqa’ jiġi prodott. Biex tkun adegwata l-evalwazzjoni komparattiva tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandha assolutament tikkunsidra d-distinzjoni bejn il-karburanti fossili u rinnovabbli. Dan ifisser li d-derivattivi taż-żejt mhux maħdum għandhom jiġu peżati b’fattur negattiv qawwi skont l-impatt konkret tagħhom. Barra minn hekk, il-bilanċ klimatiku tas-sorsi tal-enerġija fossili għandu jinkludi l-metodi ġodda ta’ kultivazzjoni li huma ta’ ħsara ikbar għall-ambjent (pereżempju iż-żejt mir-ramel jew tax-shale). F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha tagħmel xi titjib.

3.29

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li hemm differenzi enormi bejn il-karburanti bijoġeniċi. L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bijokarburanti huma riżultat ta’ (a) il-mod kif jiġu kkultivati l-pjanti u (b) l-ispiża tal-produzzjoni teknika tal-bijokarburanti, inkluż it-trasport tal-materja prima u l-prodott finali.

3.30

Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn il-bijokarburanti li jinħarġu mill-proċess tal-kultivazzjoni li jirrispetta n-natura u r-riżorsi (bħall-agrikoltura ekoloġika) u dawk li jiġu prodotti b’approċċ li juża ħafna kimiki agrikoli (li jdgħajfu l-prestazzjoni tal-emissjonijiet b’effett ta’ serra), kif ukoll bejn il-karburanti li jiġu manifatturati lokalment u dawk li jinħarġu mill-impjanti ċentralizzati u ta’ skala kbira, eċċ. Il-Kummissjoni ma tagħmilx din id-distinzjoni.

3.31

Minflok, il-ħaġa stramba hi li bil-metodi ta’ kalkolu proposti mill-Kummissjoni anke ċerti karburanti avvanzati, li għandhom spejjeż ta’ produzzjoni għoljin f’termini ta’ enerġija u trasport, jingħataw klassifika aħjar minn prodotti bażiċi naturali kważi mingħajr spejjeż (bħaż-żejt veġetali pur); ara l-punt 4. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din hija ħaġa inaċċettabbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kummissjoni tqis li l-karburanti avvanzati mhuma ta’ ebda riskju għat-tibdiliet indiretti tal-użu tal-art. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li dan bl-ebda mod ma jfisser li ma joħolqu l-ebda riskju għall-ħarsien tal-klima. Hawn taħt il-Kumitat jixtieq jiċċara l-pożizzjoni kritika tiegħu tal-approċċ li hemm ippjanat issa billi jirreferi għal erba’ eżempji konkreti mil-lista ta’ prodotti tar-residwi proposta mill-Kummissjoni.

4.2   Il-gliċerina

4.2.1

Il-Kummissjoni issa ffokat fuq il-gliċerina, fost oħrajn, bħala bijokarburant avvanzat minflok il-bijodiżil “konvenzjonali”, li beħsiebha tillimita. Madankollu, huma preċiżament il-produtturi Ewropej tal-bijodiżil li f’dawn l-aħħar snin saru l-provvedituri ewlenin tal-gliċerina, 80 % tal-produzzjoni Ewropea tal-gliċerina hija derivata mill-produzzjoni tal-bijodiżil (8). Il-KESE jistaqsi minn fejn ser tiġi l-materja prima tal-gliċerina fil-futur, li ser tibda tintuża fuq skala ikbar, jekk il-produzzjoni tal-prodott bażiku korrispondenti (il-bijodiżil) ser tiġi ristretta. Dan ma jagħmilx sens.

4.2.2

Il-Kummissjoni stess għamlitha ċara li mil-lat tal-politika tal-klima u l-enerġija jagħmel iktar sens li ż-żjut veġetali jintużaw mingħajr ma jiġu trattati, minflok ma jiġi esterifikat f’bijodiżil (ara Anness V, Parti A, tad-Direttiva 2009/28/KE). Dan l-approċċ, għalkemm jagħmel sens f’termini ta’ politika tal-klima, iwassal biex ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-gliċerina. Madankollu, il-proposta attwali tal-Kummissjoni ser twassal għal distorsjoni konsiderevoli u diżastruża tal-kompetizzjoni meta l-prodotti jiġu klassifikati skont l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Bil-multiplikazzjoni b’erbgħa tal-valur tagħha bħala skart il-gliċerina, li hi prodott tar-residwu industrijali derivat minn produzzjoni intensiva fl-użu tal-enerġija (jiġifieri l-esterifikazzjoni taż-żejt veġetali f’bijodiżil), tingħata klassifikazzjoni superjuri fittizja meta mqabbla mal-valur tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jinħarġu mill-prodott bażiku, jiġifieri ż-żejt veġetali. Fuq il-karta jidher li jkun sar iffrankar fil-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra meta fil-fatt ma jkunx sar (ara wkoll punt 4.4.3).

4.3   L-injam (mill-bijomassa għal-likwidu)

4.3.1

Mil-lat tekniku m’hemm l-ebda dubju li l-bijomassa tista’ tiġi konvertita f’likwidu, bħalma l-Kummissjoni qed tipproponi pereżempju bl-użu tal-injam. Il-proċess Fischer-Tropsch ilu jeżisti għexieren ta’ snin. Dan jinvolvi l-frammentazzjoni sħiħa tal-molekuli tal-lignin tal-injam u l-monossidu tal-karbonju li jifdal jiġi trasformat f’molekuli tal-idrokarbonju, tipikament bl-idroġenu injettat.

4.3.2

Dan il-proċess ma jistax (!) jiġi applikat għall-iskart tal-injam jew għas-serratura, imma jeħtieġ injam tal-ogħla kwalità (ħaġa li toħloq il-kompetizzjoni mal-injam għall-għamara u għall-kisi tal-injam b’fuljetti fini [verneering]) peress li l-molekuli barranin li huma preżenti speċifikament fl-iskart tal-injam u s-serratura jimpedixxu l-proċess Fischer-Tropsch.

4.3.3

Dan il-proċess jikkonsma ħafna enerġija! Minn 1 000 kg injam mill-aqwa (b’60 % ta’ materja organika) tista’ tinħareġ 135 kg diżil. Iktar minn 85 % tal-enerġija li tiġi introdotta fil-forma ta’ injam tintilef u madwar 15 % biss issir “bijokarburant avvanzat”. Dan ifisser li minn foresta ta’ 1 000 siġra, 850 minnhom jinħarqu bħala enerġija għall-ipproċessar biex jinkiseb karburant minn inqas minn 150 siġra. Bil-kombustjoni sussegwenti tal-karburant BtL fil-muturi tal-karozzi, is-CO2 kollu li jkun inqabad permezz tal-fotosintesi fl-1 000 siġra jiġi rilaxxat.

4.3.4

Dan il-livell baxx ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa inaċċettabbli u ferm ’il bogħod minn dak rakkomandat kemm-il darba mill-Kummissjoni. L-objettivi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija jeħtieġu investiment fi proċessi li jistgħu jħallu impatt aċċettabbli f’termini tal-użu tal-enerġija.

4.3.5

Madankollu, dan il-proċess jiġi ppreżentat fil-qafas tal-politika tal-ER tal-UE bħala wieħed ġeneralment newtrali mil-lat tas-CO2, għax jinvolvi l-użu tal-injam fl-ipproċessar tal-enerġija. Iżda fl-istess ħin l-UE beħsiebha tibni riżervi tal-karbonju. Għal dan il-għan, x’hemm aħjar mit-trasformazzjoni tas-CO2 fl-injam u l-ħżin tiegħu għat-tul, minflok ma jiġi rilaxxat mill-ġdid billi jinħaraq biex jiġu ġġenerati l-“bijokarburanti avvanzati”, pereżempju?

4.3.6

Il-KESE jenfasizza li, naturalment, l-injam mill-foresti ġestiti b’mod sostenibbli jista’ u għandu jintuża biex jissostitwixxi l-karburanti fossili bħaż-żejt u l-faħam. Madankollu, huwa kien diġà ġibed l-attenzjoni (9) li r-rakkomandazzjonijiet li saru miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li jagħmlu l-iktar sens mil-lat ekonomiku u li huma l-iktar effettivi mil-lat tal-politika tal-klima għandhom jingħataw prijorità. Dawn jinkludu l-ewwel nett l-użu tal-injam għat-tisħin (pereżempju fis-sistemi tat-tisħin distrettwali, idealment flimkien mal-impjanti tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija), u mhux il-konverżjoni kimika li tuża ħafna enerġija biex l-injam jiġi konvertit f’karburant likwidu għat-trasport (10).

4.4   It-tiben

4.4.1

Mil-lat ekoloġiku u tal-politika tal-klima, hija problema kbira li l-Kummissjoni tiddefinixxi t-tiben bħala prodott residwali (fis-sens ta’ skart inutli). Tul is-sekli li għaddew it-tiben kien materja ċentrali fil-proċess ta’ riċiklaġġ fl-irziezet. Fuq ettaru wieħed ta’ raba’ hemm mal-għaxar tunnellati ta’ annimali li jridu jiġu mitmugħa. Huwa importanti li wieħed jifhem li dawn l-annimali fil-ħamrija joħolqu l-humus mit-tiben, il-weraq, il-ħaxix ħażin, eċċ. tul bosta sekli. Il-humus ifisser ħamrija ta’ kwalità, fertilità u bjar ta’ karbonju.

4.4.2

Mhuwiex ċar għall-KESE xi trid verament il-Kummissjoni: li tibni u tespandi l-bjar ta’ karbonju, jew li tneħħi wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ bjar potenzjali billi tipprijoritizza l-użu tat-tiben fil-produzzjoni tal-karburanti?

4.4.3

L-UE qed tħeġġeġ din l-aħħar għażla billi tiddefinixxi t-tiben bħala “skart” u tipproċessah – bi spiża għolja tal-enerġija – f’karburant avvanzat li jiġi kkalkolat b’erba’ darbiet biex jintlaħqu l-għanijiet tat-tibdil tal-klima fis-settur tat-trasport. It-telf korrispondenti tal-bjar ta’ karbonju ma jiġix ikkunsidrat!

4.4.4

Aspett ieħor li ma ġiex maħsub sew huwa li meta jkun jonqos it-tiben fl-ekosistema tal-ħamrija, ma jinħolqux biss problemi għall-istruttura tal-ħamrija u l-mikroorganiżmi. Anke n-nutrijenti li jinħarġu minnha jridu jiġu sostitwiti b’fertilizzaturi minerali, li jirrikjedu ħafna flus u enerġija konsiderevoli biex jiġu prodotti.

4.4.5

Jekk fil-livell politiku jiġi deċiż li t-tiben huwa prodott li l-bdiewa għandhom jitħallsu tiegħu, dan ikun irendi sew għalihom. Madankollu, ma jitħallsu xejn għall-produzzjoni ta’ humus u l-qbid tal-karbonju fil-ħamrija, jew għall-iffrankar tal-enerġija mir-riċiklaġġ tat-tiben fl-irziezet. Dan iwassal biex jinħolqu inċentivi tas-suq fittizji.

4.4.6

Il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2012 dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija” (11). F’din l-Opinjoni huwa argumenta li l-pjani ta’ azzjoni previsti għall-ħolqien ta’ bjar ta’ karbonju “jridu bilfors ikunu akkumpanjati minn miżuri politiċi oħra jew ikkombinati ma’ miżuri politiċi eżistenti sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas li jippermettu lis-sidien tal-art u lil dawk li jiġġestixxu l-art jimplimentaw miżuri effettivi fis-settur tal-LULUCF b’mod li jagħmel sens mil-lat ekonomiku u mhux biss a spiża tagħhom.” B’xorti ħażina, lanqas xahrejn wara li l-Kumitat esprima dan il-prinċipju, il-Kummissjoni ħarġet b’din il-proposta biex it-tiben isir karburant avvanzat, pass fid-direzzjoni kompletament opposta.

4.5   Il-weraq

4.5.1

Il-klassifikazzjoni tal-weraq bħala “skart” mhux divrenzjat jew bħala materja prima għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti avvanzati mhijiex aċċettabbli mil-lat ekoloġiku. Il-weraq jaqdi rwol importanti pereżempju fl-ekosistema tal-foresti u f’kemm ikunu produttivi. It-tneħħija tal-weraq minn xi foresti Ewropej fil-Medju Evu, pereżempju, kellu impatt negattiv fit-tul fuq is-sostenibbiltà tagħhom. Skont il-proposti attwali tal-Kummissjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li l-weraq tal-foresti jingħata prijorità bħala materja għall-produzzjoni tal-karburant, xi ħaġa li finalment twaqqfet xi għexieren ta’ snin ilu biex tittejjeb is-saħħa tal-foresti. Bħalissa, ir-raġunijiet ekonomiċi biss jidhru li huma kontra t-twettiq tal-proposti tal-Kummissjoni.

5.   Il-proposti tal-KESE

5.1

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid il-politika tagħha dwar il-bijoenerġija b’mod partikolari fir-rigward tal-bijokarburanti. Hawnhekk għandhom jitqiesu kemm in-natura limitata tal-art (u b’hekk tal-bijomassa), il-prestazzjoni u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bijokarburanti differenti (u b’hekk id-diversi potenzjali tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra) kif ukoll il-fattibbiltà ekonomika. Il-Kummissjoni hi mistiedna tqis kemm l-osservazzjonijiet importanti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kif ukoll l-argumenti ewlenin li saru fi studju tal-Aġenzija Federali Ġermaniża għall-Ambjent (12) li ġie ppreżentat fl-avvenimenti sekondarji tal-KESE fil-qafas tal-konferenza dwar il-klima f’Durban.

5.2

L-enerġija li tintuża fil-proċess tal-konverżjoni, li ħafna drabi tiġi sottovalutata, jistħoqqilha ħafna iżjed attenzjoni. F’ħafna oqsma (bħal dak tal-mediċina) l-intervent fl-istruttura molekulari tal-prodotti bażiċi ma jistax jiġi evitat, imma mhux neċessarjament fis-settur tal-enerġija. Hawnhekk l-għan għandu jkun l-ikbar effiċjenza possibbli fl-użu tal-enerġija – wara kollox l-iskop huwa li tiġi ffrankata l-enerġija! Kull prodott tal-enerġija li jgħaddi minn konverżjoni kimika dejjem għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat meta jkun hemm alternattiva għalih.

5.3

L-injam, minflok ma jiġi kkonvertit b’konsum kbir ta’ enerġija biex imbagħad jinħaraq, għandu jintuża bħala riżerva tal-karbonju jew jiġi maħruq fl-istat naturali tiegħu biex jissostitwixxi l-karburanti fossili fit-tisħin.

5.4

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa strateġija li torbot, b’mod effiċjenti mil-lat tal-enerġija, il-bżonn li tiġi pprovduta l-enerġija mal-proċessi naturali, pereżempju fl-agrikoltura u l-forestrija, bħal fil-każ tal-istrateġija Ewropea ppjanata dwar il-proteini. Dan ifisser li l-kultivazzjoni tal-għelejjel ta’ pjanti li minnhom jiġi estratt iż-żejt fl-Ewropa, li fl-istess ħin tipproduċi l-proteini u ż-żjut veġetali (u b’hekk tiġi sostitwita l-importazzjoni tas-soja), għandha tiġi promossa bħala metodu ta’ kultivazzjoni agrikola sostenibbli u mhux tiġi limitata.

5.5

Il-Kummissjoni għandha tillimita l-użu tal-bijokarburanti billi tiffokah f’oqsma fejn – għall-kuntrarju tal-karozzi – għad m’hemmx alternattivi promettenti previsti għall-karburanti fossili. Pereżempju fil-qasam tat-trasport bl-ajru u bil-baħar, u anke l-agrikoltura u l-forestrija (off-road).

5.6

Hija għandha wkoll tieħu bis-serjetà l-prinċipju li fasslet hi stess li l-bijoenerġija għandha tintuża fl-oqsma fejn tkun tista’ tintuża bl-inqas spiża u bl-ikbar effett b’rabta mal-politika tal-klima. Dan huwa minnu b’mod ċar għall-użu tas-sħana, iżda mhux fil-każ tal-karburanti likwidi.

5.7

Il-KESE diġà esprima fehmietu bosta drabi dwar l-enerġija rinnovabbli fl-agrikoltura, fost oħrajn li ż-żjut veġetali puri joffru alternattivi interessanti hawnhekk. L-Awstrija, pereżempju, qed tisfrutta r-riżultati ta’ proġett appoġġjat mill-Kummissjoni taħt l-FP 7 bl-użu ta’ żjut veġetali puri li ma ġewx trattati bil-kimika, u ser tapplikahom fl-agrikoltura fuq skala usa’. B’xorti ħażina, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tikkummenta dwar dan jew li tirreaġixxi b’inizjattivi proprji tagħha.

5.8

Fil-futur il-KESE jixtieq jieħu sehem b’mod iktar attiv fid-dibattitu soċjali dwar temi bħall-użu tal-art u l-kompetizzjoni għall-art kif ukoll dwar il-problema dejjem akbar tal-issiġillar tal-ħamrija.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 17 final.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE "Il-Pakkett dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport" (għadha ma ġietx adottata).

(3)  Fil-proposta għal Direttiva jintuża t-terminu “bijokarburanti”. F’bosta Opinjonijiet, il-KESE għamel referenza għal ħafna problemi ambjentali, li huma r-riżultat ta’ dawn il-“bijokarburanti”. Billi s-sillaba “bijo” timplika li l-prodott m’għandu l-ebda impatt ekoloġiku negattiv (bħal fit-terminu kultivazzjoni “bijoloġika”), f’din l-Opinjoni l-KESE juża t-terminu newtrali “agrokarburanti” minflok “bijokarburanti”.

(4)  COM(2010) 811 final, 22.12.2010.

(5)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43.

(6)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43.

(7)  Fil-każ taż-żerriegħa tal-kolza dan jammonta għal madwar disa’ tunnellati għal kull ettaru; ħaġa stramba li l-valur ta’ dan it-tiben mhuwiex ikkunsidrat fil-kalkolu tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

(8)  Ara r-rapport annwali 2009 tal-ADM: http://www.oelag.de/images_beitraege/downloads/ADM%20GB%202009%20final.pdf.

(9)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43.

(10)  Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, “Biofuels in the European Context: Facts, Uncertainties and Recommendations”, 2008, http://ec.europa.eu/dgs/jrc/downloads/jrc_biofuels_report.pdf (disponibbli biss bl-Ingliż).

(11)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 85.

(12)  Globale Landflächen und Biomasse nachhaltig und ressourcenschonend nutzen, (L-użu sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi tal-art globali u l-bijomassa), Umweltbundesamt, 2012; http://www.umweltbundesamt.de/uba-info-medien/4321.html


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-testi li ġejjin tal-opinjoni tas-sezzjoni nċaħdu favur emendi jew kompromessi adottati mill-Assemblea iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 3.16 (Emenda 8)

Ibdel it-test kif ġej:

“Fil-proposta tal-Kummissjoni, il-Kumitat ma jara l-ebda strateġija globali konsistenti għall- bijoenerġija, u lanqas soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi fit-trasport li tikkwota kemm- il darba, jiġifieri:

a)

id-dipendenza qawwija ħafna mill-importazzjoni tal-enerġija u

b)

in-nuqqas ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

Barra minn hekk jeħtieġ li ninnutaw li, l-obbligu li tipprevedi l-Kummissjoni li jiġu rapurtati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-tibdil fl-użu tal-art ftit li xejn huwa fattibbli u fl-aħħar mill-aħħar jinvolvi sforzi konsiderevoli żejda kemm għall- amministrazzjoni kif ukoll għall-kumpaniji kkonċernati.”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

63

Kontra

79

Astensjonijiet

34

Punt 4.3.1 (Emenda 11)

Ibdel it-test kif ġej:

“Mil-lat tekniku m’hemm l-ebda dubju li l-bijomassa tista’ tiġi konvertita f’likwidu, bħalma l-Kummissjoni qed tipproponi pereżempju bl-użu tal-injam. Il-proċess Fischer-Tropsch ilu jeżisti għexieren ta’ snin. Dan jinvolvi l-frammentazzjoni sħiħa tal-molekuli tal-lignin tal-injam u l-monossidu tal-karbonju li jifdal jiġi trasformat f’molekuli tal-idrokarbonju, tipikament bl-idroġenu injettat. Teknikament, il-bijomassa tista’ tiġi konvertita f’karburant likwidu, kif propost mill-Kummissjoni pereżempju għall-użu tal-injam, permezz ta’ diversi metodi. Il-proċess Fischer-Tropsch (li jinvolvi l-frammentazzjoni sħiħa tal-molekuli tal-lignin tal-injam, fejn il-monossidu tal-karbonju li jifdal jiġi trasformat f’molekuli tal-idrokarbonju, tipikament bl-idroġenu injettat), pereżempju, ilu jeżisti għexieren ta’ snin. Barra minn dan, ġew żviluppati wkoll metodi ġodda.”

Raġuni

Meta jingħata biss eżempju wieħed dan jista’ jwassal għal impressjoni żbaljata, anke jekk il-proċess Fischer-Tropsch huwa magħruf sew.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

53

Kontra

89

Astensjonijiet

30

Punt 4.3.2

Ibdel it-test kif ġej:

“4.3.2 Dan il-proċess ma jistax (!) jiġi applikat għall-iskart tal-injam jew għas-serratura, imma jeħtieġ injam tal-ogħla kwalità (ħaġa li toħloq il-kompetizzjoni mal-injam għall-għamara u għall-kisi tal-injam b’fuljetti fini [verneering]) peress li l-molekuli barranin li huma preżenti speċifikament fl-iskart tal-injam u s-serratura jimpedixxu l-proċess Fischer-Tropsch.

B’konformità mal-prinċipju tal-effiċjenza tar-riżorsi, dawn il-proċessi jistgħu jiġu applikati għar-residwi tal-qtugħ tas-siġar, il-flussi industrijali ta’ prodotti derivati, u qtugħ li jnaqqas l-ammont ta’ siġar li jinġabru fil-proċess tal-ġestjoni tal-foresti. Dan jipprovdi għal użu aktar effiċjenti tal-injam, u ma jwassal biex injam ta’ kwalità għolja jintuża biex tiġi prodotta l-enerġija.”

Raġuni

It-test preċedenti ma kienx preċiż. Il-proċessi jagħmluha possibbli li l-injam jintuża b’mod iktar effiċjenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

54

Kontra

96

Astensjonijiet

27

Punt 4.3.3 (Emenda 13)

Ibdel it-test kif ġej:

4.3.3 Dan il-proċess jikkonsma ħafna enerġija! Minn 1 000 kg injam mill-aqwa (b’60 % ta’ materja organika) tista’ tinħareġ 135 kg diżil. Iktar minn 85 % tal-enerġija li tiġi introdotta fil-forma ta’ injam tintilef u madwar 15 % biss issir “bijokarburant avvanzat”. Dan ifisser li minn foresta ta’ 1 000 siġra, 850 minnhom jinħarqu bħala enerġija għall-ipproċessar biex jinkiseb karburant minn inqas minn 150 siġra. Bil-kombustjoni sussegwenti tal-karburant BtL fil-muturi tal-karozzi, is-CO2 kollu li jkun inqabad permezz tal-fotosintesi fl-1 000 siġra jiġi rilaxxat. Meta jsir tajjeb, dan il-proċess huwa estremament effiċjenti fl-enerġija u r-riżorsi. L-injam tal-aħjar kwalità għadu jintuża biex jipproduċi l-injam isserat, filwaqt li prodotti derivati bħall-qoxra, is-sellatura u l-iskart tal-foresti (forest scraps) jiġu proċessati biex isir il-karburant tat-trasport, l-elettriku u l-enerġija għat-tisħin. 526 kg ta’ metanol u 205 kg ta’ FT diesel jistgħu jiġu prodotti minn 1000 kg ta’ injam niexef. Dan ifisser li madwar 60 % tal-kontenut tal-enerġija tal-injam jista’ jinbidel f’metanol u madwar 50 % tal-karburant diesel permezz ta’ teknoloġiji li diġà huma industrijalment pruvati. Qed jiġu żviluppati proċessi li permezz tagħhom ikun possibbli li titjieb l-effiċjenza b’5 % oħra. Jekk il-produzzjoni tal-karburanti tiġi integrata mal-industrija tal-foresterija u industriji oħra li jikkunsmaw is-sħana, ikun possibbli li tintuża s-sħana prodotta bħala prodott derivat tal-proċess, u b’hekk l-effiċjenza totali tal-użu tal-injam tilħaq il-livell ta’ 70-80 %.

Raġuni

Il-formulazzjoni oriġinali mhijiex korretta u tagħti impressjoni żbaljata għalkollox dwar il-produzzjoni tal-bijokarburanti tal-lum.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

66

Kontra

99

Astensjonijiet

24

Punt 4.3.5 (Emenda 15)

Ibdel it-test kif ġej:

“Madankollu, dan il-proċess jiġi ppreżentat fil-qafas tal-politika tal-ER tal-UE bħala wieħed ġeneralment newtrali mil-lat tas-CO2, għax jinvolvi l-użu tal-injam fl-ipproċessar tal-enerġija. Iżda fl-istess ħin l-UE beħsiebha tibni riżervi tal-karbonju. Għal dan il-għan, x’hemm aħjar mit-trasformazzjoni tas-CO2 fl-injam u l-ħżin tiegħu għat-tul, minflok ma jiġi rilaxxat mill-ġdid billi jinħaraq biex jiġu ġġenerati l-“bijokarburanti avvanzati”, pereżempju? Huwa meqjus li l-injam wera li huwa sors ta’ enerġija newtrali mil-lat tal-karbonju minħabba t-tul ta’ żmien li jieħdu s-siġar biex jikbru. L-użu tal-bijomassa wera li jħalli effetti pożittivi fuq il-klima minħabba li jtejjeb il-kapaċità tal-foresti biex jikbru u jżid is-sekwestru tal-karbonju, u għaliex jissostitwixxi l-użu tal-karburanti fossili u ta’ materjali oħrajn li mhumiex rinnovabbli.

Raġuni

Il-forestrija sostenibbli u ż-żieda fl-użu tal-injam jgħollu sew il-kapaċità tas-sekwestru tal-karbonju fl-injam u jservu bħala sostitut għall-materja prima mhux rinnovabbli. Inkunu qed nagħtu impressjoni żbaljata meta ngħidu li l-foresti jaħdmu bħala bjar tal-karbonju iktar effiċjenti jekk jiġu esklużi mill-użu.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

60

Kontra

96

Astensjonijiet

25

Punt 1.5 (Emenda 1)

Ħassar il-punt:

“Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq l-ILUC huwa wkoll dubjuż peress li huwa intiż għall-provvista ta’ sorsi ta’ karburanti likwidi mhux fil-forma ta’ gass jew solidi. Il-KESE ma jaqbilx ma’ dan il-punt.”

Raġuni

Peress li l-approċċ tal-ILUC jidher li huwa problematiku fih innifsu, ma jagħmilx sens li fl-istess ħin nirrakkomandaw li jiġi applikat għal sorsi oħra tal-enerġija. Bħalissa qed jiġu żviluppati kriterji oħra ta’ sostenibblità għal sorsi ta’ karburant ġassuż u solidu. L-ewwel għandhom jiġu indirizzati l-punti ta’ kritika f’din l-Opinjoni qabel ma l-approċċ tal-ILUC jiġi rakkomandat x’imkien ieħor.

Rizultat tal-votazzjoni:

Favur

56

Kontra

93

Astensjonijiet

36

Punt 1.7 (Emenda 9)

Ħassar il-punt:

“Fil-każ tal-bijokarburanti “avvanzati”, li l-Kummissjoni Ewropa issa tixtieq tippromovi, il-KESE jqis li hemm il-periklu li l-bjar potenzjali prezzjużi ta’ karbonju (bħall-injam, it-tiben u l-weraq) jintużaw bħala bażi għall-karburanti, ħaġa li twassal biex tiżdied il-konċentrazzjoni tas-CO2 fl-atmosfera (ara l-punt 4).”

Raġuni

La l-foresti deċidwi u lanqas il-foresti koniferi tal-Ewropa m’għandhom jintużaw, imma biss il-qtugħ li jnaqqas l-ammont ta’ siġar u l-injam skartat. Bis-saħħa tat-teknoloġija tal-lum il-bijokarburanti huma iktar effiċjenti mill-impressjoni li jagħti t-test oriġinali; ara l-emenda għall-punt 4.3.3.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

47

Kontra

121

Astensjonijiet

18


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS”

COM(2013) 40 final — 2013/0022 (COD)

2013/C 198/10

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar is-27 ta’ Frar 2013 u nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS

COM(2013) 40 finali - 2013/0039 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) jilqa’ l-inizjattiva biex jiġu adegwati l-istrutturi tal-Aġenzija tal-UE tas-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita, sabiex tiġi garantita l-indipendenza totali tal-korpi tagħha u awtonomija ċara tal-attivitajiet ta’ akkreditament u ta’ sigurtà.

1.2

Il-Kumitat iqis li l-qafas l-ġdid ta’ awtonomiji u kooperazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Ewropea tal-GNSS (il-GSA) huwa xieraq. Għalhekk, fiċ-ċirkostanzi attwali, il-KESE jsostni l-proposta għall-emenda tar-Regolament (UE) nru 912/2010 li jwaqqaf il-GSA u jirrakomanda li din il-proposta tkun aċċettata sakemm ikun ċar li se tkun tista’ tilħaq l-għanijiet indikati.

1.3

Għalhekk, il-Kumitat jemmen li sabiex tiġi valutata jekk is-soluzzjoni adottata hiex verament l-aħjar waħda, l-implimentazzjoni effettiva tal-istrutturi funzjonali li nbew jibqgħu taħt osservazzjoni u li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti perjodiċi dwar dan.

1.4

Il-Kumitat itenni mill-ġdid ir-rwol ewlieni li jwettqu l-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita EGNOS u Galileo, bħala xprun għall-innovazzjoni u għall-kompetittività, għall-benefiċċju taċ-ċittadini fil-qasam tal-politika spazjali Ewropea u tal-Istrateġija Ewropa 2020 flimkien mal-proġetti kbar għall-monitoraġġ globali tad-dinja u għas-sigurtà, li għandhom jippermettu lill-Ewropa żżomm b’saħħitha pożizzjoni qawwija ta’ tmexxija u indipendenza strateġika fil-qasam spazjali għall-futur tagħha.

1.5

Skont il-Kumitat, l-Unjoni għandha tinnota li l-għanijiet li ntlaħqu f’termini ta’ integrazzjoni u żvilupp sostenibbli u paċifiku tal-Istati Membri għandhom jippermettu li r-riżorsi mfaddla jkunu ddedikati għal żvilupp rapidu ta’ proġetti komuni kbar, kompetittivi fuq livelli globali, bħal Galileo, GMES u ITER (GMES - Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà u ITER - Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali).

1.6

Il-KESE jesprimi d-diżappunt qawwi tiegħu rigward id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Frar 2013 dwar it-tnaqqis tal-allokazzjonijiet finanzjarji għal Galileo, fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020 u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej, u b’mod partikolari lill-Parlament biex jirrevedu din id-deċiżjoni, filwaqt li jsaħħaħ l-impenn tiegħu għall-GMES u l-ITER.

1.7

Il-Kumitat jemmen li huwa indispendabbli li jassigura l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà ta’ Galileo mas-sistemi l-oħra ta’ navigazzjoni bis-satellita u mal-istandards Ewropew, adottati fuq livell globali.

1.8

Il-Kumitat jitlob azzjoni qawwija ta’ appoġġ u sensibilizzazzjoni dwar il-vantaġġi li jiġu mill-programmi GNSS, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jieħu l-aħjar vantaġġ mill-opportunitajiet ġodda offruti mis-servizzi ta’ Galileo u EGNOS.

1.9

Skont il-KESE, il-bini taċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà ta’ Galileo (‘Galileo Security Monitoring Centres‘) għandu jsir iktar malajr.

1.10

Il-Kumitat esprima riżervi qawwija rigward it-trasferiment tal-attivitajiet ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-aġenziji, li s’issa saru mill-Kummissjoni, u jitlob li tikkunsidra b’iktar attenzjoni l-esperjenzi pożittivi ta’ din il-ħidma.

1.11

Il-Kumitat jirrakkomanda li jitħaffef il-ftehm ta’ delega bejn il-Kummissjoni u l-GSA, speċjalment għall-promozzjoni tat-tekonoloġiji GNSS f’għadd ta’ oqsma ta’ riċerka u tal-integrazzjoni tagħhom fl-inizjattiv strateġiċi settorjali, mingħajr iktar dewmien, minbarra dawk akkumulati mill-programm Galileo.

2.   Introduzzjoni

2.1

Is-sistema globali ta’ pożizzjonament, ta’ sinkronizzazzjoni u ta’ navigazzjoni bis-sattelita, GNSS, tirrapreżenta fattur ewlieni fl-innovazzjoni teknoloġika Ewropea, għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-intrapriżi, tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-soċjetà, billi tippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ radjunavigazzjoni, bil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u b’iktar vantaġġi ekonomiċi kompetittivi.

2.2

Il-KESE diġà ħareġ għadd ta’ opinjonijiet dwar il-programm Galileo (1). Il-ħtiġijiet ta’ sigurtà għandhom rwol importanti fil-fażi ta’ tfassil, implimentazzjoni u operat tal-infrastrutturi li jiġu mill-programmi Galileo u EGNOS.

2.3

Huwa ta’ importanza kbira li s-sistema Galileo li diġà kellha ħafna dewmien, tibda taħdem kemm jista’ jkun malajr – mingħajr kumplikazzjonijiet burokratiċi u mingħajr kunflitti ta’ interess – sabiex l-Ewropa jkollha s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita tagħha stess, mingħajr ma tiddependi fuq servizzi mogħtija minn pajjiżi oħra, speċjalment jekk ikunu użati għal raġunijiet militari.

2.4

Il-KESE jaf sew li l-użu tan-nagivazzjoni bis-satellita, f’għadd ta’ setturi, jwassal għal sigurtà akbar u mil-lat kummerċjali għal iktar qligħ, sakemm ikun hemm kontinwità operattiva mingħajr waqfien tal-forniment tas-servizzi.

2.5

Il-Kummissjoni iffukat fuq il-kwistjoni tal-ġestjoni tar-riskju, li l-importanza tagħha ġiet enfasizzata fl-okkazzjoni tar-riforma tal-governanza tal-2007. Ir-riskji kollha tal-programmi huma ċentralizzati f’reġistru, li jinkludi r-riskji marbuta mal-katina tal-forniment industrijali, fatturi esterni bħall-influwenza tal-awtoritajiet politiċi u tal-ħtiġijiet ta’ sigurtà – u fatturi interni, bħall-organizzazzjoni tal-programmi u l-Awtorità ta’ Superviżjoni GNSS li, mill-2007 ħadet responsabbiltà ta’ dik li kienet l-Intrapriżi Konġunta Galileo (2).

2.6

Għal kull riskju ġiet allokata probabbiltà ta’/li seħħ u livell ta’ impatt. Ir-reġistru tar-riskji jinkludi ħafna sitwazzjonijet: riskji teknoloġiċi; riskji industrijali, biex jitfasslu sistemi integrati, speċjalment fil-qasam tas-sigurtà; riskji tas-suq; riskji ta’ governanza; riskji tal-infrastruttura fornita fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili.

2.7

Fir-rigward tas-sigurtà, hemm bżonn tkun innutata li anke jekk il-Kummissjoni hija responsabbli mill-gestjoni tas-sigurtà tas-sistemi, skont ir-regolament, il-libertà tagħha f’dan is-settur hija limitata minn żewġ fatturi importanti.

2.7.1

L-ewwel nett, huma l-Istati Membri li jiddefinixxu l-ħtiġijiet tas-sigurtà, billi r-riskji li jistgħu jinfluwenzaw is-sigurtà ta’ infrastruttura kritika, bħal dik tan-navigazzjoni bis-satellita, dejjem ivarjaw. L-Istati Membri huma responsabbli biex ikopru parti minn dawn ir-riskji.

2.7.2

It-tieni, ir-Regolament GNSS (KE) nru 683/2008 jagħti l-kompitu tal-akkreditament tas-sigurtà tas-sistemi, lill-GSA. Is-separazzjoni tal-ġestjoni mill-akkreditament, hija parti mill-prattika ta’ governanza tajba, u hija l-prattika normali u essenzjali, għal dan it-tip ta’ proġett.

2.8

Kif diġà stqarr il-KESE “is-suċċess tal-provvista u tal-ġestjoni tal-programmi Ewropej ta’ GNSS, kemm Galileo kif ukoll EGNOS, huwa ta’ importanza kritika biex niksbu l-viżjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020”, meta tikkunsidra wkoll li “l-programmi ta’ GNSS, kif proposti, ser jiġġeneraw EUR 68,63 biljun ta’ benefiċċji netti għall-Unjoni matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tas-sistema 2014-2034”. (3)

2.9

Il-Kumitat japprezza wkoll li “l-Kummissjoni għandha tiġġestixxi l-fondi allokati lill-programmi u twettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programmi, inklużi dawk delegati kemm lill-GSA kif ukoll lill-Aġenzija Spazjali Ewropea” kif ukoll “tiżviluppa mekkaniżmu għall-ġestjoni tar-riskju” (4).

2.10

Il-KESE jemmen li hu indipensabbli li jissaħħu l-garanziji tal-indipendenza tat-twettieq tal-attivitajiet marbuta mal-akkreditament tas-sigurtà, biex tintlaħaq is-separazzjoni sħiħa bejn dawn u l-attivitajiet l-oħra tal-aġenzija GSA, biex ikunu evitati kunflitti ta’ interess, speċjalment ma’ funzjonijiet oħra (5), u r-riskju li tkun fl-istess ħin imħallef u parti kkonċernata.

2.11

F’dan il-kuntest ġdid, skont il-KESE, huwa fundamentali li l-Kumitat għall-Akkreditament tas-Sigurtà (CAS) jkollu l-garazija li jwettaq il-ħidma tiegħu f’indipendenza totali mill-korpi l-oħra e l-attivitajiet l-oħra tal-GSA, fost l-attivitajiet ta’ akkreditazzjoni u l-attivitajiet l-oħra.

2.12

Min-naħa l-oħra, il-PE sostna li “li l-istruttura tal-governanza u l-ġestjoni fit-tul tal-GNSS għandha tindirizza l-qsim ta’ xogħol u responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni, il-GSA u l-ESA, kif ukoll kwistjonijiet rilevanti oħra, bħall-qsim tal-ispejjeż b’mod xieraq, il-mekkaniżmu tal-qsim tad-dħul, is-sistema ta’ responsabbiltà, il-politika ta’ prezzijiet u l-involviment u l-kontribuzzjoni tas-settur privat fil-programmi tal-GNSS” (Ara r-Riżoluzzjoni tal-PE tat-8 ta’ Ġunju 2011 - P7_TA(2011)0265).

2.13

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iddikjara li l-attivitajiet ta’ akkreditament – li bħalissa jaqgħu taħt Kapitlu II tar-Regolament (UE) nru 912/2010 - għandhom ikunu segwiti b’mod strettament indipendenti fil-konfront ta’ kompiti oħrajn assenjati lill-GSA. (Ara, Kunsill tal-UE dokument nru 11279/12 ADD 1- 7.06.2012.)

2.14

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li “"jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 l-aktar sabiex jiżdiedu l-awtonomija u s-setgħat tal-Bord għall-Akkreditament tas-Sigurtà u tal-president tiegħu, u sabiex il-parti l-kbira ta’ dawn tal-aħħar jiġu allinjati ma’ dawk tal-Bord tad-Diretturi u tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija rispettivament, filwaqt li jipprovdi l-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi differenti tal-Aġenzija”.

2.15

Il-Kumitat japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament tal-UE nru 912/2010 u jirrakkomanda li l-dispożizzjonijiet proposti jkunu aċċetati sakemm juru, permezz ta’ verifiki u rapporti perjodiċi, li jwieġbu b’mod effettiv għall-għanijiet li kienu proposti.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-programmi Ewropej GNSS

3.1

Il-Kumitat itenni li l-politika spażjali Ewropea hija element ewlieni fl-Istrateġija Ewropa 2020 u xprun għall-innovazzjoni u l-kompetittività għall-benefiċċju taċ-ċittadini: il-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satelliti EGNOS u Galileo, għaldaqstant għandhom rwol ċentrali li għandu jkun valorizzat u msaħħaħ, flimkien mal-proġett GMES (6).

3.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza strateġika tal-politika spazjali tal-programm GNSS, bħala element li joħloq politika industrijali Ewropea vera, ibbażata fuq proġetti konkreti b’benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini u l-intrapriżi.

3.3

L-applikazzjoni effettiva tas-sistema ta’ governanza tal-GNSS Ewropew, għalhekk hija fundamentali biex tkun valutata jekk hiex verament l-aħjar possibbiltà: għalhekk il-KESE, waqt li jappoġġja l-emendi proposti, jitlob li l-implimentazzjoni effettiva tal-istruttura funzjonali mibnija, tinżamm taħt osservazzjoni u li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti perjodiċi u dettaljati dwar dan.

3.4

Il-Kumitat jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għat-tnaqqis tal-allokazzjonijiet finanzjarji għal Galileo, mill-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Frar 2013, fil-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, mis-€ 7.9 biljun maħsuba mill-Kummissjoni għal € 6.3 biljun biss.

3.5

Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej, u partikolarment lill-Parlament, biex jerġgħu jġibu l-livell ta’ finanzjament propost għal Galileo lura għal dak li kien qabel, meta jadottaw id-deċiżjoni definittiva dwar il-qafas finanzjarju multiannwali tal-2014-2020, u biex fl-istess ħin isaħħu l-impenn għall-proġetti GMES u ITER (7).

3.6

Barra minn hekk, il-GSA għandha tiżviluppa azzjoni b’saħħitha ta’ appoġġ u sensibilizzazzjoni dwar il-vantaġġi li jiġu mill-programmi GNSS, sabiex il-pubbliku jkun jista’ juża bl-aħjar mod l-opportunitajiet ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi Galileo u EGNOS, sabiex irawwmu d-daħla tagħhom fis-suq u l-benefiċċji soċjoekonomiċi mistennija.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-adegwatezza tal-qafas ta’ governanza. Minħabba t-trasferiment tal-ġestjoni tal-fażi operattiva ta’ EGNOS lejn il-GSA u, tal-fażi operattiva tal-programm Galileo minn Jannar 2014, il-Kumitat jemmen li l-qafas ġdid propost ta’ indipendenza u kooperazzjoni, fi ħdan il-GSA, huwa adegwat u f’konformità mal-linji gwida interistittuzzjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li dawn l-iżviluppi pożittivi għandhom jibqgħu jiġu osservati biex jiġi verifikat jekk is-soluzzjonijiet proposti jwasslux għall-aħjar mod biex jintlaħqu l-għanijiet indikati.

4.2

Iċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà ta’ Galileo. Għandu jitħaffef il-bini taċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà ta’ Galileo fi Franza u r-Renju Unit, u l-istruttura u r-riżorsi tagħhom għandhom ikunu msaħħa. L-attività ta’ taħriġ għandha tkun imsaħħa wkoll biex taqdi l-ħtiġijiet tal-utenti, fir-rigward tal-aċċess għall-PRS (is-servizz pubbliku regolat).

4.3

L-attivitajiet ta’ kommunikazzjoni. Il-kampanji ta’ kommunikazzjoni globali tal-Aġenzija għandhom jissaħħu progressivament, hekk kif jibdew is-servizzi ta’ Galileo, biex jilħqu l-kapaċitajiet operattivi sħaħ fl-2018-2019. L-Aġenzija għandha tiġġestixxi ċentri ta’ eċċellenza biex tippromwovi l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-applikazzjonijiet GNSS, u tiżviluppa strateġija ta’ marka u marka ta’ kwalità għat-teknoloġija u s-servizzi EGNOS/Galileo. (B’tikketta ta’ kwalità, il-Kumitat ifisser sistema ta’ trademark biex il-provvedituri approvati tat-teknoloġija EGNOS/GALILEO jingħataw liċenzja biex ibigħu teknoloġija u soluzzjonijiet li jkunu jilħqu standards tekniċi ta’ eċċellenza stretti. Pereżempju, din it-tip ta’ sistema ta’ trademark intużat b’suċċess mill-WiFi Alliance globali biex taċċellera s-suċċess tas-suq tat-teknoloġija ‘wireless LAN’. Arar. http://it.wikipedia.org/wiki/Wi-Fi_Alliance (8).

4.4

Ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Kumitat jesprimi riżervi qawwija rigward it-tendenza “li l-attivitajiet u l-kompiti eżistenti tal-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu ttrasferiti mill-Kummissjoni lill-aġenziji, u li l-Kummissjoni tieħu ħsieb biss l-amministrazzjoni tal-aspetti finanzjarji u l-kwistjonijiet legali” u jitlob “li jiġu kkunsidrati aħjar l-esperjenzi relatati mal-kostruzzjoni ta’ proġetti kbar ta’ dan it-tip li jikkonċernaw oqsma teknoloġiċi ġodda u li tiġi stabbilita ‘kontinġenza’ adatta korrispondenti ta’, pereżempju, 10 %;” (9).

4.5

It-tul ta’ żmien u l-proċeduri tal-implimentazzjoni. Il-Kumitat huwa mħasseb bid-dewmien tal-adozzjoni tar-regolament marbut mal-implimentazzjoni u l-funzjonament tas-sistemi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita, biex jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 683/2008, li bħalissa qiegħed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill, billi huwa strettament marbut mal-proposta tal-Kummissjoni li qed tiġi rriveduta bħalissa.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 179 179-182; ĠU C 256 tas-27.10.2007, p. 73-75, ĠU C 256 tas- 27.10.2007, p. 47, ĠU C 324 tat-30.12.2006, p. 41-42, ĠU C 221 tat-8.9.2005, p. 28.

(2)  ĠU C 48 tal-21.2.2012, p. 42-46, ĠU C 324 tat-30.12.2006, p. 37-40.

(3)  ĠU C 181 tal- 21.6.2012, p. 179-182.

(4)  ĠU C 181, tal-21.6.2012, p. 179-182.

(5)  ĠU C 388/2012 tal-15.12.2012 p. 208

(6)  ĠU C 299 tal-4.10.2012, p. 72-75.

(7)  ĠU C 229 tal-31.7.2012, p. 60-63.

(8)  ĠU C 107 tas-6.4.2011, p. 44-48.

(9)  ĠU C 229, tal-31.07.2012, p. 60-63.


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”

COM(2013) 09 final — 2013/0007 (COD)

2013/C 198/11

Relatur uniku: is-Sur Sarró IPARRAGUIRRE

Nhar il-5 ta’ Frar 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

COM(2013) 09 final – 2013/0007 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Marzu 2013. Ir-relatur kien is-Sur Sarró Iparraguirre.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 177 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet..

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li hemm bżonn li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jiġi emendat biex ikun adattat għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.2

Il-Kumitat jemmen li ċerti aspetti essenzjali, diskussi f’din l-Opinjoni, għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u mhux b’atti ddelegati.

2.   Sfond

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

2.2

Dan ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tapplika wħud mid-dispożizzjonijiet li fih.

2.3

It-TFUE jagħmel distinzjoni bejn is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv (atti ddelegati, Artikolu 290(1)), u s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni (atti ta’ implimentazzjoni, Artikolu 291(2)).

2.4

Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1224/2009 irid jiġi adattat għar-regoli l-ġodda tat-TFUE dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għall-emendar ta’ dan ir-Regolament. Din l-Opinjoni qed tanalizza dan ir-Regolament u tikklassifika mill-ġdid is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni f’setgħat iddelegati u setgħat ta’ implimentazzjoni.

3.   Analiżi tal-proposta

3.1

Il-proposta tidentifika s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u tikklassifikahom f’setgħat iddelegati jew ta’ implimentazzjoni.

3.2

Hija tadatta wkoll ċerti dispożizzjonijiet għall-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet previsti fit-TFUE.

3.3

Hija tagħmel dan billi temenda 66 Artikolu tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.4

Minħabba dan, l-analiżi tal-proposta hija kumplessa ħafna peress li l-emendar ta’ dawn is-66 Artikolu b’kollox ifisser madwar mitejn emenda għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li permezz tagħhom ser jingħataw setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni.

3.5

Is-setgħat biex jiġu adottati atti ddelegati jingħataw għal perjodu ta’ żmien mhux determinat u jistgħu jiġu revokati f’kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

3.6

L-atti ddelegati jidħlu fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jressqu l-ebda oġġezzjoni sa xahrejn wara li dawn ikunu ġew mgħarrfa bihom, jew jekk qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqu l-ebda oġġezzjoni. Dan il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

3.7

F’dawn il-proċeduri l-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

3.8

Fl-Opinjonijiet tiegħu l-KESE appoġġa l-għoti ta’ setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati ta’ kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-regoli tal-PKS.

3.9

Madanakollu, il-Kumitat jemmen li, minħabba l-għadd kbir ta’ emendi għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-proposta attwali għandu jkollha l-kunsens minn qabel tal-Istati Membri dwar il-kontenut u l-ambitu tal-emendi li qed jiġu proposti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-approċċ ġenerali tat-TFUE huwa li l-aspetti essenzjali tal-leġislazzjoni għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, filwaqt li l-aspetti mhux essenzjali għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ atti ddelegati.

4.2

Wara li xtarr il-proposta, il-KESE jqis li, almenu l-aspetti ta’ kwalunkwe miżura dwar is-suġġetti li ġejjin, m’għandhomx jiġu żviluppati b’atti ddelegati iżda b’atti ta’ implimentazzjoni, minħabba l-importanza tagħhom:

in-notifiki minn qabel u t-trażbord;

l-adozzjoni ta’ tibdil fil-mod u l-frekwenza tat-trażmissjoni tad-dejta lill-Kummissjoni dwar il-kwoti u l-isforz;

l-eżenzjonijiet għal ċerti flotot milli jippreżentaw noti tal-bejgħ;

l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-pjanijiet dwar l-istivi;

id-determinazzjoni ta’ sajd soġġett għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni;

4.3

Fl-aħħar, il-Kumitat jixtieq juri li huwa sorpriż mill-fatt li f’kull mument tista’ titneħħa s-setgħa tal-Kummissjoni li teżerċita att iddelegat dwar suġġett li dwaru hija għandha s-setgħa, iżda li dan ma jfissirx li awtomatikament jiġi rrevokat l-att iddelegat li diġà jkun ġie adottat dwar dak is-suġġett.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007”

COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)

2013/C 198/12

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar l-24 ta’ Jannar 2013 u nhar is-17 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007

COM(2012) 776 final – 2012/0361 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.

Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’195 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u t-tisħiħ tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-okkorrenzi jew l-inċidenti li jipperikolaw jew li, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi, jistgħu jipperikolaw il-passiġġieri u kwalunkwe persuna oħra jew l-inġenji tal-ajru.

1.2

Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u jiġu evitati l-aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huwa importanti ħafna li l-professjonisti kollha tas-settur ikunu obligati jirrappurtaw l-okkorrenzi kollha li jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà, u anke, fejn ikun hemm bżonn, l-iżbalji li jkunu wettqu huma stess jew li jkunu kkontribwixxew għalihom jew li jkunu ġew ikkaġunati minn xi kollegi tagħhom.

1.3

Sistema ta’ rappurtar bħal din tista’ taħdem b’mod effikaċi biss jekk:

l-uniku objettiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi kkonċernati jkun il-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti u mhux l-għoti tat-tort jew tar-responsabbiltà, u

jekk tiġi applikata f’qafas ta’ “kultura ġusta” li tipproteġi lill-impjegati kkonċernati minn proċeduri li jittieħdu kontrihom mill-impjegatur tagħhom u li tipproteġihom kontra kwalunkwe preġudizzju jew proċedura legali għal żbalji li jitwettqu involontarjament, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi li ssir b’mod deliberat, liema negliġenza tiġi identifikata b’mod ċar bħala tali.

1.4

Il-KESE jqis li l-miżuri ta’ protezzjoni tas-sorsi tal-informazzjoni eżistenti jew addizzjonali, previsti fir-Regolament ikkonċernat, jistgħu jkomplu jissaħħew jew jiġu kkompletati. Għal dan il-għan il-KESE:

itenni l-proposta tiegħu li tiġi stabbbilita Karta Ewropea dwar il-“kultura ġusta”;

jipproponi li jiġi speċifikat b’mod espliċitu li apparti l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tas-settur tal-avjazzjoni ċivili wkoll għandhom joqogħdu lura milli jibdew proċeduri fir-rigward ta’ ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst u li jindunaw bih biss peress li jkunu ġew irrappurtati;

jitlob li r-regoli interni li jiddeskrivu kif għandhom jiġu ggarantiti u applikati l-prinċipji tal-kultura ġusta, liema regoli għandhom jiġu stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tas-settur, jiġu approvati mill-awtorità pubblika kompetenti qabel ma jiġu implimentati.

1.5

Fid-dawl tal-importanza kruċjali ta’ kultura ġusta biex in-notifikaturi jiġu protetti b’mod aktar effikaċi u fl-interess ċar tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ aċċident, il-KESE inkariga lil espert estern biex iħejji studju f’dan ir-rigward u ċertament mhux ser jonqos milli jikkomunika l-konklużjonijiet lill-partijiet interessati.

1.6

Il-KESE għandu xi riżervi fir-rigward tal-miżura l-ġdida li tipprevedi li minn issa ’l quddiem in-notifikaturi jistgħu jressqu r-rapport tagħhom kemm quddiem l-impjegatur tagħhom kif ukoll quddiem l-awtorità pubblika kompetenti, mentri s’issa r-rapport dejjem tressaq quddiem l-awtorità pubblika biss. Il-KESE jqis li fil-każ tar-rapporti li jitressqu direttament quddiem l-impjegatur, għal finijiet ta’ newtralità u sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza min-naħa tal-impjegatur fid-deskrizzjoni tal-fatti min-notifikatur, in-notifikatur għandu jkun obbligat iressaq kopja tar-rapport fl-istess ħin quddiem l-awtorità pubblika kompetenti.

1.7

Il-KESE jiddispjaċih li r-regolament ma jipprovdix b’mod espliċitu għar-rappurtar ta’ inċidenti mill-passiġġieri. Il-passiġġieri sikwit ikollhom approċċ aktar viġilanti fir-rigward tar-riskji tas-sigurtà tal-infrastrutturi u s-servizzi u jinnutaw nuqqasijiet li dawk li jaħdmu fis-settur jaraw minn lenti differenti minħabba r-rutina. Dan japplika wkoll għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw il-fatturi ta’ riskju fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jiġu previsti proċeduri biex il-passiġġieri jiġu inklużi fil-fluss ta’ informazzjoni dwar l-okkorenzi li għandhom jiġu rrappurtati.

1.8

Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-okkorrenzi jew in-nuqqasijiet innutati matul l-operazzjonijiet ta’ imbarkazzjoni, b’mod partikolari matul il-kontrolli ta’ sigurtà li jsiru fuq il-passiġġieri, għandhom jiġu inklużi fost l-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati b’mod obbligatorju.

2.   Introduzzjoni

2.1

Mill-ħolqien tas-suq uniku tat-trasport bl-ajru fl-1992 ’il hawn, ir-rispett tal-esiġenzi regolatorji li kulma jmur huma dejjem aktar stretti fir-rigward tas-sigurtà ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru, jew li jintużaw minn intrapriża stabbilita fi Stat Membru, abbażi ta’ studji fid-dettall u indipendenti dwar l-aċċidenti, wassal għal tnaqqis konsiderevoli u kważi konsistenti fir-rata ta’ aċċidenti tal-ajru fatali.

2.2

L-esperjenza turi li, ħafna drabi, qabel ma jseħħ aċċident, għadd ta’ inċidenti jew nuqqasijiet oħra jkunu diġà ħarġu fid-dieher l-eżistenza ta’ periklu għas-sigurtà. Malajr deher ċar li kien sar aktar u aktar diffiċli li tiżdied is-sigurtà tal-avjazzjoni jekk jiġi segwit approċċ “reattiv” biss, li kien dominanti sa dawk iż-żminijiet, u li kien jikkonsisti f’li jkun hemm reazzjoni u li tinsilet tagħlima biss wara li jkunu seħħew l-aċċidenti.

2.3

L-Unjoni Ewropea għaldaqstant ma setgħetx tikkuntenta ruħha bir-rwol tagħha ta’ leġislatur iżda kellha tieħu ħsieb ukoll it-trattament sistemiku tar-riskji marbuta mas-sikurezza tal-avjazzjoni. Permezz tad-Direttiva 2003/42/KE tagħha dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili adottat approċċ komplementari, imsejjaħ “proattiv”.

2.4

Is-sistema ta’ rappurtar hija bbażata fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn in-notifikatur ta’ dawn l-inċidenti jew in-nuqqasijiet u l-korp responsabbli għall-ġbir u l-valutazzjoni tal-informazzjoni relatata.

2.5

Mill-2007 ’l hawn, l-Unjoni Ewropea bdiet iżżomm Repożitorju Ċentrali Ewropew li jiġbor fih l-okkorrenzi kollha fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili miġbura mill-Istati Membri u attwalment hemm madwar 600 000 okkorrenza rreġistrata f’dan ir-repożitorju.

2.6

Fid-dawl tan-natura sensittiva tagħha, l-informazzjoni miġbura hija kunfidenzjali u ma tistax tintuża ħlief għal finijiet tal-attivitajiet tal-parteċipanti u tad-destinatarji. Sabiex jiġu evitati biża’ u reazzjonijiet mhux ġustifikati, l-informazzjoni għall-pubbliku trid tkun disponibbli b’mod globali u ġeneralment tkun limitata għal rapport annwali dwar il-livell ġenerali tas-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.7

Apparti s-sistema ta’ rappurtar obbligatorju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ rappurtar volontarju għall-ġbir u l-analiżi tal-punti dgħajfa osservati fl-avjazzjoni ċivili li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapporti obbligatorji.

2.8

L-obbligu ta’ rappurtar japplika għall-katina kollha tat-trasport bl-ajru, b’mod partikolari l-operaturi tal-ajru, l-operaturi ta’ ajruporti ċċertifikati, il-kumpaniji tal-groundhandling, eċċ.

2.9

Il-kategoriji differenti tal-persunal li jaħdmu fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li josservaw okkorrenzi li huma ta’ interess għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti huma obbligati jirrappurtawhom.

2.10

Fir-rapporti għandhom jitħassru d-dettalji personali kollha dwar in-notifikatur u l-aspetti tekniċi li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ din il-persuna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jirrappurtaw inċidenti ma jkunux soġġetti għal preġudizzji mill-impjegaturi; ma tista’ tingħata l-ebda sanzjoni amministrattiva, dixxiplinarja jew professjonali lil persuna li tkun għamlet rapport dwar tali okkorrenza, ħlief f’każ ta’ negliġenza gravi jew ksur volontarju.

3.   Kontenut tar-regolament il-ġdid

3.1   Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-trażmissjoni tar-rapporti ta’ okkorrenzi fl-UE u l-użu tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew għad għandhom għadd ta’ nuqqasijiet li jillimitaw l-użu tagħhom u jdagħjfu b’mod serju l-possibbiltà li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza għall-prevenzjoni tal-aċċidenti. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri li ġejjin:

3.1.1   “Ġbir aħjar tal-okkorrenzi”

Il-proposta tistabbilixxi l-qafas biex jiġi żgurat li l-okkorrenzi kollha li jipperikolaw jew li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jiġu rrappurtati. Apparti s-sistemi ta’ informazzjoni obbligatorja, il-proposta timponi li jiġu stabbiliti sistemi volontarji.

Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jinkoraġġixxu lill-professjonisti fil-qasam tal-avjazzjoni biex jirrappurtaw informazzjoni mingħajr biża’ ta’ sanzjonijiet, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi.

3.1.2   “Ċarezza tal-fluss ta’ informazzjoni”

Kull organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-avjazzjoni għandha, flimkien mal-awtorità pubblika, timplimenta wkoll sistema ta’ rappurtar.

3.1.3   “Titjib fil-kwalità u kompletezza tad-dejta”

Ir-rapporti tal-okkorrenzi għandhom jinkludu informazzjoni minima u partijiet speċifiċi li jkunu obbligatorji L-okkorrenzi għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riskju li jirrappreżentaw, abbażi ta’ skema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji li għandha titfassal fil-futur. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni.

3.1.4   “Skambju aħjar ta’ informazzjoni”

L-aċċess tal-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għall-informazzjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew huwa estiż għall-informazzjoni kollha miġbura f’din il-bażi tad-data. Ir-rapporti kollha għandhom ikunu kompatibbli mas-software tal-UE, ECCAIRS.

3.1.5   “Protezzjoni aħjar kontra l-użu mhux xieraq tal-informazzjoni dwar is-sikurezza”

Minbarra l-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data miġbura, l-informazzjoni għandha tkun disponibbli u użata biss għall-iskop li tinżamm jew tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. Għandhom jiġu konklużi ftehimiet mal-awtoritajiet ġudizzjarji biex jittaffew l-effetti negattivi tal-użu ta’ din l-informazzjoni għal finijiet ġudizzjarji.

3.1.6   “Protezzjoni aħjar ta’ min jagħmel ir-rapport biex tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni (kultura ġusta)”

Ir-regoli dwar il-protezzjoni tan-notifikaturi ssaħħew u ġie affermat mill-ġdid l-obbligu li r-rapporti jkunu anonimi u li l-aċċess għad-data identifikabbli jiġi limitat għal ċirku ristrett ta’ persuni. Issaħħet ir-regola li skontha l-impjegati m’għandhomx ikunu soġġetti għal preġudizzju mill-impjegatur tagħhom, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi (kif definit fl-Artikolu 2(4) tal-abbozz ta’ Regolament), abbażi tal-informazzjoni rrappurtata. L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huma mitluba jadottaw dokument li jiddeskrivi kif il-protezzjoni tal-impjegati hija garantita. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jaħtar persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrikorru għandhom in-notifikaturi biex jinfurmawhom b’xi ksur tar-regoli kkonċernati. Fejn ikun xieraq, il-persuna maħtura għandha tipproponi, lill-Istat Membru tagħha, l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-impjegatur li jkun kiser ir-regoli f’dan ir-rigward.

3.1.7   “Introduzzjoni ta’ rekwiżiti dwar l-analiżi ta’ informazzjoni u l-adozzjoni ta’ azzjonijiet ta’ segwitu fuq livell nazzjonali”

Il-proposta tittrasponi fil-leġislazzjoni Komunitarja r-regoli dwar l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi rrappurtati li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell internazzjonali.

3.1.8   “Analiżi aktar b’saħħitha fuq livell tal-UE”

Il-prinċipju li l-informazzjoni miġbura fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew tiġi analizzata mill-EASA u l-Istati Membri ssaħħaħ u l-kollaborazzjoni attwali ġiet formalizzata fi ħdan netwerk ta’ analizzaturi tas-sikurezza tal-avjazzjoni ppresedut mill-EASA.

3.1.9   “Titjib tat-trasparenza lejn il-pubbliku ġenerali”

B’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità meħtieġa, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw rapport annwali li jinkludi, b’mod globali, informazzjoni relatata mal-miżuri li jittieħdu biex tiżdied is-sikurezza tal-avjazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u t-tisħiħ tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-okkorrenzi li jipperikolaw jew li, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi, jistgħu jipperikolaw il-passiġġieri u kwalunkwe persuna oħra jew l-inġenji tal-ajru.

4.2

Barra minn hekk, jilqa’ b’mod favorevoli s-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni peress li din tiġbor f’test wieħed id-direttiva antika u żewġ regolamenti.

4.3

Fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri ma jirrispettawx b’mod regolari l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tad-direttivi – u dan kien ukoll il-każ għad-Direttiva 2003/42/KE dwar is-suġġett ikkonċernat – u fid-dawl tal-fatt li l-identifikazzjoni mill-aktar fis possibbli ta’ problemi eventwali ta’ sigurtà tista’ tevita katastrofi u twassal biex jiġu salvati ħajjiet umani, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rikors għal att leġislattiv li jiġi applikat b’mod dirett, f’dan il-każ regolament, huwa l-aktar strument legali adatt biex jinkisbu l-objettivi mixtieqa.

4.4

Mingħajr ma jinxteħet dubju fuq l-approvazzjoni ġenerali ta’ din il-Proposta għal Regolament, il-KESE madankollu jixtieq iqajjem diversi punti:

4.5

Minn issa ’l quddiem, in-notifikaturi jistgħu jressqu r-rapport tagħhom kemm quddiem l-impjegatur tagħhom kif ukoll l-awtorità pubblika kompetenti, għalkemm s’issa kien previst li jitressaq biss quddiem l-awtorità pubblika. Meta r-rapporti jkunu indirizzati direttament lill-impjegatur dan tal-aħħar għandu jibgħathom lill-awtorità pubblika kompetenti. L-Artikolu 7(3) tal-abbozz ta’ Regolament jipprevedi li l-organizzazzjonijiet fil-qasam jistabbilixxu proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tad-data, b’mod partikolari biex tiġi garantita l-konsistenza bejn id-data differenti miżmuma fir-rapporti ta’ okkorrenzi u l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata inizjalment dwar l-okkorrenzi rrappurtati min-notifikatur.

Il-KESE minn dan jiddeduċi li d-data relatata mal-okkorrenzi li tkun ġiet ikkomunikata inizjalment min-notifikatur mhux bilfors tkun l-istess bħad-data li terġa’ tintbagħat lill-awtorità pubblika u ma jistax japprova dan.

Il-KESE għandu xi riżervi fir-rigward tar-rapporti li jitressqu direttament quddiem l-impjegatur. Għal finijiet ta’ newtralità u sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza min-naħa tal-impjegatur fid-deskrizzjoni tal-fatti skont in-notifikatur, in-notifikatur għandu jkun obbligat jibgħat kopja tar-rapport fl-istess ħin lill-awtorità pubblika kompetenti.

4.6

Il-KESE jistqarr li fil-lista ta’ inċidenti li għandha tiġi rrappurtata b’mod obbligatorju (Anness I tar-Regolament) ma ġewx inklużi l-inċidenti li jikkonċernaw l-operazzjonijiet qabel l-imbarkazzjoni. Għalhekk, in-nuqqasijiet matul il-kontroll tas-sigurtà qabel l-imbarkazzjoni għandhom l-aktar l-aktar jiġu rrappurtati fil-qafas tar-rapporti volontarji. Però nuqqasijiet ta’ dan it-tip jista’ jkollhom konsegwenzi diżastrużi li l-KESE jqis li għandhom jiġu inklużi mal-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati b’mod obbligatorju.

4.7

Bl-istess mod, l-abbozz ta’ Regolament ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-passiġġieri jirrappurtaw inċidenti; madankollu, ma jeskludix dan meta jindika li s-sistemi ta’ rappurtar volontarju għandhom jippermettu l-ġbir ta’ informazzjoni minn persuni oħra apparti l-professjonisti tas-settur li huma obbligati jirrappurtaw.

Madankollu, il-passiġġieri sikwit ikollhom approċċ aktar viġilanti fir-rigward tar-riskji ta’ sigurtà tal-infrastruttura u s-servizzi u jinnutaw nuqqasijiet li l-professjonisti fis-settur, minħabba r-rutina jew peress li jkunu tant ikkundizzjonati minn xogħolhom, iħarsu lejhom minn lenti differenti. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jiġu previsti proċeduri biex il-passiġġieri jiġu inklużi fil-fluss ta’ informazzjoni tal-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati. Dan japplika wkoll għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li, fl-Anness I, punt 4.3 tar-Regolament, huma trattati bl-istess mod bħall-ġarr tal-bagalji u l-merkanzija, mentri l-fatturi ta’ riskju huma totalment differenti.

5.   Kultura ġusta

5.1

Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u evitati r-riskji ta’ inċidenti fl-avjazzjoni ċivili, huwa kruċjali li l-professjonisti kollha tas-settur ikunu obbligati jirrappurtaw l-okkorrenzi kollha li jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà.

5.2

Fejn ikun hemm bżonn, jeħtieġ li dawk ikkonċernati jintalbu jirrappurtaw l-iżbalji li jkunu wettqu huma stess, li jkunu ikkontribwixxew għalihom jew li jkunu ġew ikkaġunati minn xi kollegi tagħhom.

5.3

Huwa ċar li sistema ta’ rappurtar bħal din tista’ taħdem biss b’mod effikaċi f’qafas ta’ “kultura ġusta” li tipproteġi lill-uffiċjali kkonċernati minn azzjonijiet li jittieħdu kontrihom mill-impjegatur tagħhom u li tipproteġihom kontra kwalunkwe preġudizzju jew proċedura legali għal żbalji li jitwettqu involontarjament, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi li ssir b’mod deliberat, liema negliġenza tiġi identifikata b’mod ċar bħala tali.

5.4

Il-KESE għaldaqstant ma jistax ma jilqax il-fatt li ssir enfasi fuq li l-objettiv esklużiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi kkonċernati jkun il-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti u mhux l-għoti tat-tort jew tar-responsabbiltà u li l-abbozz ta’ Regolament jafferma mill-ġdid u jikkompleta l-miżuri ta’ protezzjoni tan-notifikatur li, madankollu, jistgħu jissaħħew aktar.

5.5

B’hekk, fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (1), il-KESE diġà kien enfasizza li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi garantit li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali nazzjonali tagħhom bil-għan li jiżviluppaw kultura ġusta, u kien insista fuq l-importanza li tiġi stabbilita “Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta” bil-għan li tiġi evitata kwalunkwe sanzjoni għal żbalji involontarji.

5.6

Il-KESE jiddispjaċih li din il-proposta ma ġietx inkluża fl-abbozz ta’ Regolament ikkonċernat li, għalkemm jipprevedi kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà u l-awtoritarjiet ġudizzjarji f’forma ta’ arranġamenti avvanzati (Artikolu 15(4): “Dawn l-arranġamenti avvanzati għandhom ifittxu li jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-bżonn ta’ amministrazzjoni xierqa ta’ ġustizzja u d-disponibbiltà kontinwa u neċessarja ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza.”), li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, dawn l-arranġamenti jikkonċernaw biss il-kunfidenzjalità “adegwata” tal-informazzjoni u ma jipproteġux lin-notifikaturi minn proċeduri legali.

5.7

Fir-rigward tal-protezzjoni tan-notifikatur, id-dispożizzjoni li tgħid li “L-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jibdew proċeduri fir-rigward ta’ ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst u li jindunaw bih biss peress li ġie rrapurtat” għandha tapplika wkoll għall-impjegatur tan-notifikatur. L-Artikolu 16(3) tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġu kkompletat f’dan is-sens.

5.8

Fir-rigward tad-dispożizzjoni li timponi li kull organizzazzjoni tas-settur tadotta regoli interni li jiddeskrivu kif għandhom jiġu garantiti u applikati l-prinċipji tal-kultura ġusta, il-KESE jipproponi li dawn ir-regoli jiġu approvati minn qabel mill-korp responsabbli f’kull Stat Membru għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-protezzjoni tas-sorsi.

5.9

Għalkemm kull element tar-regolament huwa obbligatorju u huwa applikabbli direttament f’kull Stat Membru fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, xi elementi tar-regolament, b’mod partikolari r-regoli interni li jiddeskrivu kif għandhom jiġu applikati l-prinċipji tal-kultura ġusta mill-organizzazzjonijiet, jew ir-regoli applikabbli f’każ ta’ ksur tar-regolament, għad iridu jiġu stabbiliti, jew fejn ikun hemm bżonn, jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Il-KESE kien jippreferi li r-regolament jipprevedi data ta’ skadenza għall-applikazzjoni ta’ dawn l-elementi.

5.10

Fid-dawl tal-importanza kruċjali ta’ kultura ġusta biex in-notifikaturi jiġu protetti b’mod aktar effikaċi u fl-interess ċar tal-prevenzjoni kontra kwalunkwe riskju ta’ aċċident, il-KESE inkariga lil espert estern biex iħejji studju f’dan ir-rigward u ċertament mhux ser jonqos milli jikkomunika l-konklużjonijiet lill-partijiet interessati.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 62-65


10.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 198/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet”

COM(2013)102 final — 2013/0062 COD

2013/C 198/13

Nhar it-12 ta’ Marzu u nhar il-15 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 92/58/KEE, 92/85/KEE, 94/33/KE, 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

COM(2013) 102 finali – 2013/0062 COD).

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjoni tiegħu CESE 493/2008, adottata fit-12 ta’ Marzu 2008 (1), iddeċieda, matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April 2013), b’178 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 17 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettjar u l-ippakkjar tas-sustanzi u t-taħlitiet, u li jemenda d-Direttiva 67/548/KEE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 COM(2007) 355 final — 2007/0121 COD (ĠU C 204, 9.8.2008, p. 47–56).