ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.139.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 139

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
17 ta' Mejju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

2013/C 139/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-approċċ globali futur biex neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

2013/C 139/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Sinerġiji bejn l-investiment privat u l-finanzjament pubbliku fil-livelli lokali u reġjonali

4

2013/C 139/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku

11

2013/C 139/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà

17

2013/C 139/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli f’soċjetajiet fi tranżizzjoni

22

2013/C 139/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2012-2013

27

2013/C 139/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa

35

2013/C 139/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Id-deċentralizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-lok tal-awtonomija lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE

39

2013/C 139/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni

46

2013/C 139/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Edukazzjoni

51

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

2013/C 139/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn

59

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-approċċ globali futur biex neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli”

2013/C 139/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni “Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli” u jappoġġja bis-sħiħ l-għan li jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-politika tal-iżvilupp globali tal-ġejjieni li tintegra l-iżvilupp soċjoekonomiku u s-sostenibbiltà ambjentali u tindirizza wkoll il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-ekwità, il-paċi u s-sigurtà;

2.

jirreferi għall-benefiċċji ta’ tendenzi sostenibbli ta’ żvilupp; dawn joffru bosta opportunitajiet sabiex jingħata spinta t-tkabbir, jinħolqu impjiegi ġodda, l-ekonomija ssir iktar ekoloġika, jittejbu s-servizzi tal-iżvilupp tal-bniedem u l-prosperità, titnaqqas l-esklużjoni soċjali u biex l-ambjent jinżamm iktar nadif u b’saħħtu;

3.

jemmen li minkejja li sar progress konsiderevoli fit-triq biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs), għad fadal ħafna xi jsir; ifakkar li anki fi żmien ta’ kriżi ekonomika, 85 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li l-Ewropa għandha tkompli tgħin lill-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp (1); jitlob li jkomplu għaddejjin l-isforzi sabiex jinkisbu l-MDGs sal-2015; jappoġġja wkoll il-proċess relatat għall-iżvilupp tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u jisħaq mill-ġdid fuq l-appoġġ tiegħu sabiex is-sena 2015 tkun is-Sena Ewropea tal-Iżvilupp Sostenibbli biex jiġi żgurat is-segwitu tal-MDGs;

4.

jaqbel mal-fehma li d-Dikjarazzjoni tal-Millennju għadha rilevanti u wriet li l-problemi jistgħu jiġu indirizzati jekk l-isforzi jkunu konċentrati u koordinati fil-livelli adegwati; jemmen li l-involviment tal-atturi ċentrali kollha, u b’mod partikolari l-awtoritajiet sottonazzjonali kemm fil-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp kif ukoll fil-pajjiżi donaturi, huwa essenzjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi neċessarji biex jittejjeb it-twettiq tagħhom u jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

5.

jaqbel għalhekk li l-qafas tal-ġejjieni għandu jibni fuq is-saħħa tal-għanijiet u l-miri eżistenti u li jibqa’ ffukat fuq il-qerda tad-diversi dimensjonijiet tal-faqar estrem filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dgħufijiet tal-MDGs u l-bidliet kruċjali fil-kuntest globali matul dawn l-aħħar għaxar snin, b’mod partikolari l-importanza li qed tiżdied:

(i)

tal-partijiet interessati l-ġodda bħall-pajjiżi emerġenti, is-settur privat, il-fundazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-awtoritajiet sottonazzjonali (2), kif ukoll,

(ii)

ta’ iktar sfidi globali, inkluż is-sigurtà, id-degradazzjoni tal-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija;

6.

jaqbel li l-għanijiet stabbiliti fil-futur għandhom ikunu limitati u li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun globali u tiżgura sens ta’ responsabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern. Jenfasizza li sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifhimhom sew għandhom ikunu sempliċi, ċari, u jistgħu jitkejlu;

7.

jinnota madanakollu li n-natura tal-isfidi tal-faqar tvarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor; konsegwentement, huwa konvint li l-għanijiet komuni ma jeskludux il-bżonn ta’ politiki u mezzi speċifiċi li jirrispettaw il-kuntest speċifiku ta’ żona, pajjiż, reġjun jew żona sottonazzjonali;

8.

jemmen li waħda mir-raġunijiet importanti għalfejn il-MDG ma ntlaħqux parzjalment hija minħabba d-disparitajiet u l-inugwaljanzi soċjali fi ħdan ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba nuqqasijiet fl-oqsma tad-demokrazija u r-responsabbiltà politika, kif ukoll minħabba korruzzjoni mifruxa. In-nuqqas ta’ stabbiltà u n-nuqqas ta’ sigurtà f’ċerti pajjiżi jfixklu l-ksib tal-MDG; jitlob lill-UE għalhekk sabiex tippromovi b’mod attiv il-valuri fundamentali tagħha tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tal-istat tad-dritt permezz tal-politika ta’ żvilupp tagħha u jfakkar fir-rwol importanti tal-awtoritajiet sottonazzjonali fl-identifikar u l-indirizzar tad-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem, il-promozzjoni tad-demokrazija u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

9.

jenfasizza l-bżonn li tiġi implimentata sħubija globali għall-iżvilupp li tinvolvi l-partijiet kollha, tkun ibbażata fuq iċ-ċittadini u tuża metodu parteċipattiv u inklużiv minn isfel għal fuq; jappella lill-UE sabiex tmexxi permezz tal-eżempju tagħha u tadotta pożizzjoni komuni u koerenti li tirrifletti l-kontribut tal-livelli kollha ta’ governanza;

10.

jenfasizza li l-awtoritajiet sottonazzjonali jipprovdu liċ-ċittadini ħafna mis-servizzi li huma meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-millenju, bħas-sistema tas-saħħa, is-sanità, l-edukazzjoni, is-sistemi tat-trasport, l-enerġija u l-ilma u l-ġestjoni tal-iskart, u konsegwentement jinfluwenzaw b’mod qawwi r-riżultati futuri tal-qafas;

11.

bil-għan li jkun hemm il-paċi u s-sigurtà, ifakkar li d-diplomazija moderna mhux espressa u prattikata mill-gvernijiet nazzjonali biss u li fid-dawl tal-bżonn tad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, hemm bżonn importanti u li qed jikber tad-diplomazija fil-livell tal-bliet. Permezz ta’ dan l-istrument, l-awtoritajiet lokali jistgħu jippromovu l-koeżjoni soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali, il-prevenzjoni tal-kunflitt u r-rikostruzzjoni wara kunflitt u r-riabilitazzjoni;

12.

huwa mħasseb għaliex skont iċ-ċifri ppubblikati dan l-aħħar mill-OECD, fl-2012, l-Unjoni Ewropea naqqset l-għajnuna globali tagħha għall-iżvilupp (bi EUR 2,3 biljun jew 4,3 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel). Anke jekk l-UE għadha l-akbar donatur fid-dinja, u l-kriżi ekonomika f’xi Stati Membri hija parzjalment responsabbli għal dan it-tnaqqis fl-għajnuna, il-KtR jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu l-isforzi ħalli l-UE twettaq l-impenn tagħha man-NU għall-2015 billi talloka 0,7 % tad-dħul nazzjonali gross f’għajnuna – bit-tnaqqis reċenti, il-perċentwali huwa ta’ 0,43 % u huma biss ftit l-Istati Membri li laħqu l-mira ta’ 0,7 %;

13.

ifakkar li kull ma jmur l-awtoritajiet sottonazzjonali iktar qed iwettqu politika awtonoma u attiva ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u li minkejja li l-kontribut ġenerali tagħhom huwa ħafna ikbar mill-kontribut finanzjarju tagħhom, uħud minnhom diġà stabbilixxew il-mira li jiddedikaw 0,7 % tar-riżorsi tagħhom għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp filwaqt li oħrajn stabbilixxew mekkaniżmi ta’ finanzjament sabiex jirrispondu għal ħtiġijiet speċifiċi;

14.

jilqa’ l-fatt li r-rwol tal-awtoritajiet lokali f’li joħolqu rabta bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet u li jiżguraw responsabbiltà mifruxa u demokratika fl-aġendi tal-iżvilupp tal-pajjiżi huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali fid-Dikjarazzjoni ta’ Busan u reċentement ġie rikonoxxut ukoll fid-dokument dwar ir-riżultati ta’ Rio+20 fejn ġew deskritti bħala dawk li jiżviluppaw l-istrateġija, li jieħdu d-deċiżjonijiet u jimplimentaw politiki tal-iżvilupp sostenibbli;

15.

itenni x-xewqa tiegħu li diġà esprima fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2012 (Rio+20)” (CdR 187/2011), jiġifieri li tiġi żviluppata u tingħata spinta mill-ġdid lill-ħidma fuq l-Aġenda 21. L-Aġenda 21 lokali, li tnediet wara s-Summit ta’ Rio fl-1992, hija eżempju tajjeb ta’ proċess fil-livell lokali li ta riżultati tajbin u dejjiema f’forma ta’ miżuri konkreti kif ukoll f’forma ta’ għarfien u involviment akbar min-naħa tal-atturi tas-soċjetà fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbutin mas-sostenibbiltà;

16.

ifakkar il-kontribut attiv tal-KtR fil-konferenza Rio+20 kemm fit-tħejjija għas-summit ta’ Rio kif ukoll bħala parti mid-delegazzjoni tal-UE billi wera x’jista’ jinkiseb permezz ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki u l-Bliet Kapitali Ekoloġiċi tal-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Memorandum ta’ Ftehim li ffirma mal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) f’din l-okkażżjoni u li għandu l-għan li jkompli jiġġenera sinerġiji bejn id-diversi livelli u jtejjeb l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio+20; f’dan ir-rigward ser ikompli jipparteċipa bħala osservatur fid-Delegazzjoni tal-UE fil-Konferenzi tal-Partijiet rilevanti;

17.

jisħaq fuq il-viżjoni tiegħu li l-awtoritajiet sottonazzjonali għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod sħiħ bħala atturi rilevanti tal-gvern flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u l-entitajiet tan-NU fil-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob f’dan il-kuntest li jinħoloq kumitat permanenti tal-gvernijiet sottonazzjonali u lokali jew fl-UNEP jew fil-Forum Politiku Intergovernattiv ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

18.

ifakkar li bħala rikonoxximent tar-rwol tagħhom u tat-tisħiħ tal-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp, fl-2008 il-Kummissjoni Ewropea talbet għall-ewwel darba għall-iżvilupp ta’ approċċ olistiku lejn l-awtoritajiet lokali bħala atturi fl-iżvilupp fil-livell globali, Ewropew u nazzjonali; jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni fil-livell tal-UE f’dan ir-rigward u l-għan tiegħu li jaġġorna din it-tranżizzjoni strateġika fir-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet imsemmija permezz ta’ Komunikazzjoni speċifika dwar l-Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp fir-Rebbiegħa 2013;

19.

jitlob li strateġiji futuri, b’mod partikolari fl-UE, iqisu l-potenzjal tal-kooperazzjoni multilaterali deċentralizzata, inklużi l-istrumenti bħall-Portal tal-kooperazzjoni deċentralizzata sabiex joħolqu mapep tal-attivitajiet u l-aħjar prattika u jippermettu skambju tal-informazzjoni sabiex il-ħiliet u l-kapaċitajiet jiġu adattati għall-bżonnijiet u l-Konferenza dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata għad-djalogu politiku flimkien ma’ assembleji rappreżentattivi politiċi speċifiċi għall-pajjiżi tal-viċinat bħall-ARLEM għall-Mediterran u l-CORLEAP għal-Lvant;

20.

jieħu fuqu l-impenn li jkompli jappoġġja l-ħidma favur iktar promozzjoni u integrazzjoni tal-iskemi Ewropej bħall-Patt tas-Sindki u l-Bliet Kapitali Ekoloġiċi tal-Ewropa u skemi simili oħra f’partijiet oħra tad-dinja u l-programmi globali bħall-inizjattiva tal-UNEP “Bliet b’Riżorsi Effiċjenti” jew is-sħubija li tnediet m’ilux bejn l-UE u ċ-Ċina għall-urbanizzazzjoni sostenibbli u l-Aġenda Lokali 21 fil-livell globali u b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tagħha mat-tkabbir tal-UE u l-pajjiżi tal-viċinat;

21.

jilqa’ r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea tal-għan li nimxu lejn bliet sostenibbli u b’saħħithom bħala muturi ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli; jirrakkomanda li l-SDG futuri jinkludu mira konkreta favur is-sostenibbiltà tal-bliet; jitlob lill-UE sabiex tkompli taħdem fuq il-kwistjoni prinċipali ta’ ħajja urbana sostenibbli u tappoġġja l-bliet u l-awtoritajiet sottonazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jiżviluppaw ir- reżiljenza tagħhom u r-rispons lejn id-diżastri u l-kapaċitajiet ta’ prevenzjoni bbażati fuq il- kompetenzi u r-riżorsi neċessarji billi ħafna drabi huma jkunu minn tal-ewwel li jridu jirrispondu għad-diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem;

22.

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Presidenza Irlandiża tal-UE u lill-Presidenza tal-Kunsill li jmiss, dik Litwana.

Brussell, 12 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ewrobarometru Speċjali 392, Ottubru 2012.

(2)  Din ir-riżoluzzjoni tuża t-terminu “awtoritajiet sottonazzjonali tal-gvernijiet” hekk kif jintuża fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (fejn ir-reġjuni huma pjuttost ikkunsidrati bħala reġjuni dinjija). Fil-kuntest tal-UE, dan it-terminu jfisser “awtoritajiet lokali u reġjonali”.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/4


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sinerġiji bejn l-investiment privat u l-finanzjament pubbliku fil-livelli lokali u reġjonali”

2013/C 139/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel li l-ikkombinar ta’ għotjiet ma’ InFIs potenzjalment jipprovdi approċċ innovattiv li permezz tiegħu jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskji globali ta’ proġetti/investimenti, u jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaħsbu b’mod immaġinattiv dwar kif dawn l-għodod differenti jistgħu jintużaw biex jiġi isir l-aħjar użu mill-appoġġ għal investimenti ewlenin fil-prattika;

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdi l-BEI bħala l-istituzzjoni ta’ finanzjament fit-tul tal-UE fl-appoġġ tal-PPPs fi ħdan l-UE, u fil-għoti ta’ għarfien espert u esperjenza lill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ firxa ta’ InFIs fil-livell tal-UE, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea;

jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 10 bilju n deċiża fl-2012 u li se tippermetti ’l-BEI biex jipprovdi sa EUR 60 biljun f’self addizzjonali;

jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrumenti ġodda ta’ “self għal programmi qafas” u “self għall-programmi strutturali” introdotti mill-BEI. Dawn l-istrumenti jistgħu jkun kritiċi għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali billi jippermetti l-finanzjament ta’ portafoll ta’ investimenti u għalhekk jingħeleb l-ostaklu tad-daqs tal-proġett;

jirrikonoxxi li kien hemm diffikultajiet tal-bidu fl-inklużjoni tal-InFIs fil-programmi tal-Fondi Strutturali u jidentifika għadd ta’ fatturi li jispjegaw għalfejn dan id-dewmien, inkluż nuqqas ta’ għarfien u fehim tal-opportunitajiet, ħtieġa għal “bidla fil-kultura” tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, minn għotjiet lejn strumenti finanzjarji, u tħassib dwar il-kumplessità tal-qafas regolatorju, inkluża l-leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;

jilqa’ it-twessigħ tal-ambitu tal-InFIs għall-2014-2020 għal kull tip ta’ proġett, għall-objettivi tematiċi kollha u l-prijoritajiet ta’ investiment koperti mill-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi, u għall-fondi kollha tal-QSK;

jenfasizza l-interess li qed jikber tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiżviluppaw fondi multireġjonali fil-kuntest tal-istrateġiji makroreġjonali mal-BEI;

jitlob l-estensjoni tal-inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti sal-2020 u l-espansjoni tal-ambitu tagħha biex tinkludi setturi oħra barra n-netwerks trans-Ewropej, ladarba tkun saret valutazzjoni tal-fażi pilota;

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tikkjarifika l-applikabilità tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-InFIs;

Relatur:

is-Sur Glyn THOMAS (UK/AE), membru tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Wales

Dokument ta’ referenza

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jisħaq dwar il-fatt li minkejja l-ottimiżmu dejjem jikber li l-agħar fażijiet tal-kriżi taż-żona tal-euro issa għaddejnihom, fadal sfidi u ostakli ewlenin għall-istimolar tal-irkupru ekonomiku madwar l-UE, b’mod partikolari f’termini tad-disponibilità tal-finanzjament pubbliku u privat bħala appoġġ għal investimenti ewlenin;

2.

jargumenta li l-UE għandha taqdi rwol ewlieni biex terġa’ titqajjem mill-ġdid il-fiduċja fl-ekonomija, billi toħloq kundizzjonijiet qafas li jgħinu jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati limitati disponibbli għall-istimolar ta’ investimenti ewlenin fil-livell lokali u reġjonali, u tindirizza n-nuqqas kontinwu ta’ finanzjament u kreditu għall-SMEs, li mingħajrhom l-aspirazzjonijiet sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u tal-Patt għalTkabbir u Impjiegi żgur se jfallu;

3.

itenni dwar ir-rwol ċentrali u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-isforz tal-irkupru Ewropew, kif diġà ntqal fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Noħolqu sinerġiji ikbar bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjoni” adottat fil-31 ta’ Jannar 2013 (1), fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal proporzjon sostanzjali tal-infiq pubbliku fl-Ewropa (16,7 % tal-PDG u 34 % tal-infiq pubbliku kollu fl-2011, u jirrappeżentaw żewġ terzi tal-investimenti diretti matul l-2011 (2)), li ħafna minnu huwa kkonċentrat f’oqsma prijoritarji ewlenin fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 (bħall-affarijiet ekonomiċi, l-edukazzjoni, l-ambjent, id-djar u l-infrastruttura fil-komunità);

4.

jenfasizza l-importanza dejjem tikber u l-interess fis-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat fil-finanzjament ta’ proġetti (PPPs) (3) u fl-istrumenti finanzjarji innovattivi (InFIs) (4) bħala mekkaniżmu potenzjali li permezz tiegħu jistgħu jiġu rilaxxati investimenti ewlenin;

5.

għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol li qed taqdi l-Kummissjoni Ewropea biex tistimola l-użu tal-PPPs u tal-InFIs, billi tipprovdi qafas ta’ politika li jappoġġja u jħeġġeġ l-użu ta’ dawn l-istrumenti, u timmobilizza l-baġit tal-UE biex iżid il-finanzjament “pubbliku” disponibbli fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

6.

jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u s-settur bankarju pubbliku li qed jikber madwar l-UE fl-appoġġ li jagħtu għal ambjent koerenti u komprensiv ta’ investiment “immexxi mill-politika”;

7.

jinnota li minkejja li huwa ta’ daqs relattivament żgħir, il-Baġit tal-UE u l-BEI għandhom rwol ta’ lieva importanti fl-istimolar ta’ investimenti madwar it-territorju tal-UE, b’mod partikolari (iżda mhux esklussivament) permezz tal-Fondi tal-“Qafas Strateġiku Komuni” (QSK) li jingħataw u jiġu implimentati fil-livell territorjali (f’ħafna każi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali), u li joħolqu effett “multiplikatur” importanti fl-ekonomija;

8.

jinnota l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li potenzjalment tirdoppja l-effett ta’ lieva ta’ investimenti tal-Fondi Strutturali matul l-2014-2020 għal EUR 4,2 għal kull EUR 1 investit mill-UE, b’indikazzjonijiet inizjali li s-sehem tal-FEŻR meħud mill-InFIs jista’ jiżdied minn 5 % għal 15 %;

9.

jilqa’ t-tkomplija tal-approċċ hekk imsejjaħ “revolving fund” għall-fondi tal-QSK, li għandu l-potenzjal li joħloq “legacy fund” fil-livell territorjali; jappella biex jiġi kkunsidrat kif jista’ jiġi żviluppat b’mod effettiv approċċ ta’ “revolving fund” għal InFIs, immexxi minn programmi ġestiti b’mod ċentrali u appoġġati mill-Baġit tal-UE (pereżempju f’COSME u Orizzont 2020);

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-prijorità politika iktar qawwija li qed tingħata lill-InFIs fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u l-proposti li jakkumpanjawh; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (u l-Istati Membri) biex jottimizzaw dan il-qafas regolatorju ta’ appoġġ – b’mod partikolari permezz tar-regoli msaħħin u kjarifikati għall-Fondi tal-QSK mogħtija permezz ta’ ġestjoni kondiviża fil-livell territorjali;

11.

jaqbel mar-Rapport Speċjali ppreparat minn CEPS fuq talba tal-Parlament Ewropew (5) li l-InFIs m’għandhomx jitqiesu bħala “kura ġenerali” għal kull tip ta’ intervent fil-livell lokali u reġjonali, u jenfasizza li huma tajbin biss għal proġetti bi dħul finanzjarju li potenzjalment iħalli qligħ u li m’għandhomx jiġu meqjusa bħala sostituti għal għotjiet, iżda minflok bħala mod kif jissaħħaħ l-ambitu tal-baġit tal-UE;

12.

barra minn hekk, jaqbel li l-ikkombinar (jew “taħlit”) ta’ għotjiet ma’ InFIs potenzjalment jipprovdi approċċ innovattiv li permezz tiegħu jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskji globali ta’ proġetti/investimenti, u jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jaħsbu b’mod immaġinattiv dwar kif dawn l-għodod differenti jistgħu jintużaw biex jiġi isir l-aħjar użu mill-appoġġ għal investimenti ewlenin fil-prattika;

Il-ħsieb wara, il-ġustifikazzjoni għal, u l-benefiċċji tal-PPPs/InFIs

13.

jisħaq li l-ħsieb wara l-PPPs u l-InFIs huwa mmotivat minn għadd ta’ fatturi, lil hinn mir-rwol ewlieni potenzjali li dawn l-approċċi jista’ jkollhom fl-appoġġ ta’ irkupru ekonomiku tal-UE. Il-loġika ewlenija wara l-PPPs hija l-potenzjal li jinkisbu benefiċji kondiviżi, għanijiet u objettivi komuni, b’mod li ma jkunx possibbli jew mixtieq mingħajr il-ġbir flimkien tal-interessi pubbliċi u privati. Il-loġika wara l-InFIs hija li jingħata appoġġ iktar strutturat, jiġu stabbiliti skemi b’regoli u objettivi fissi, li jistgħu jintużaw sabiex jiġu mmirati benefjiċjarji/gruppi partikolari (pereżempju SMEs, permezz tal-mikrofinanzjament; proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp; skemi ta’ żvilupp urban);

14.

jisħaq li l-falliment tas-suq iwassal għal ħsieb importanti wara l-loġika tal-intervent pubbliku, bħala mezz kif jitnaqqas ir-riskju, jiġi inċentivizzat l-impenn tas-settur privat, u jiġu megħjuna dawk l-investimenti li kieku ma jsirux. Dan il-ħsieb huwa evidenti fl-InFIs li għandhom l-għan li jipprovdu l-SMEs b’aċċess għall-mikrofinanzjament, pereżempju;

15.

jargumenta b’mod qawwi, madankollu, li l-falliment tas-suq mhuwiex l-uniku jew neċessarjament l-instigatur ewlieni għal dawn l-azzjonijiet, u jaf ikun hemm ukoll objettiv usa’ ta’ politika pubblika bħala l-ħsieb prinċipali għal interventi, bħall-enfasi fuq għanijiet fit-tul minflok dak li jista’ jinkiseb fuq medda qasira ta’ żmien, b’enfasi fuq objettivi ambjentali (pereżempju enerġija nadifa) jew objettivi soċjali (it-tnaqqis tal-faqar, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali), anke jekk dawn l-investiment jistgħu min-naħa tagħhom iwasslu għal swieq ġodda u attività ekonomika (bħall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija rinnovabbli, ir-riġenerazzjoni urbana, eċċ.);

16.

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi iktar ċarezza fil-qafas leġislattiv u regolatorju wara l-PPPs/InFIs għal dan il-ħsieb wara l-politika pubblika, u tikkjarifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-Għajnuna mill-Istat u tal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, li jistgħu jkunu ostakli għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’inizjattivi bħal dawn. Fejn hemm ħsieb ċar wara l-politika pubblika, ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE m’għandhomx ixekklu jew jaġixxu bħala disinċentiv biex dawn l-interventi ma jitwettqux;

17.

jenfasizza li s-settur pubbliku għandu responsabbiltà demokratika, fil-prinċipju għandu viżjoni fit-tul dwar fattibilità tal-investimenti, jagħmel enfasi biex jiżgura li l-objettivi u l-valuri pubbliċi ewlenin jiġu rispettati, u jnaqqas ir-riskju billi joħloq ambjent relattivament sikur għas-settur privat biex jinvesti; filwaqt li l-imsieħba tas-settur privat iġibu finanzjament ġdid, għarfien u kompetenzi kummerċjali, u ħiliet innovattivi u intraprenditorjali;

18.

jinnota li għal investituri privati, inklużi l-Fondi tal-Pensjonijiet, waħda mill-attrazzjonijiet potenzjali tal-investimenti fil-PPPs/InFIs, b’mod partikolari fil-klima ekonomika attwali, meta wieħed iqis l-inċertezza kbira fis-swieq finanzjarji, hija li l-parteċipazzjoni tas-settur pubbliku tista’ tnaqqas ir-riskju perċeput tal-investiment. Barra minn hekk, l-involviment tal-finanzjament tal-BEI/UE għandu l-potenzjal li jnaqqas iżjed ir-riskju perċeput, permezz ta’ verifika “esterna” tal-kwalità tal-investimenti ppjanat;

19.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora aktar il-potenzjal għal azzjoni fil-livell tal-UE mmirata lejn il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti tal-fondi tal-pensjonijiet wara l-pjan tal-irkupru tal-UE;

20.

jisħaq fuq il-fatt li bħala konsegwenza tal-investimenti finanzjarji irrisponsabbli li wasslu għall-kriżi finanzjarja fl-2008, u l-isforzi tul dawn l-aħħar 3-4 snin biex jiġi riformat is-settur tas-servizzi finanzjarji fl-Ewropa, hemm għarfien ċar tal-ħtieġa biex l-enfasi tkun fuq investimenti fit-tul u sostenibbli, u li jiġu evitati l-abbużi u l-eċċessi tal-passat;

21.

għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa ewlenija li jitħarsu u jiġu rispettati l-objettivi pubbliċi u l-interess fis-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat; jinnota, madankollu, li mingħajr investituri privati ma jistax ikollok sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, u r-regoli li jirregolaw il-PPPs u l-InFIs għandhom jiġu żviluppati b’mod li jinċentiva l-parteċipazzjoni mill-imsieħba privati;

22.

jisħaq li hemm ċaqliq qawwi lejn mudelli ta’ sjieda ġodda, immirati lejn it-twettiq ta’ investimenti mmexxija mill-politika għall-benefiċju taċ-ċittadini fil-livell lokali u reġjonali, filwaqt li tiġi rispettata l-ħtieġa għal dħul ibbażat fuq l-ispiża u fattibilità u sostenibilità fit-tul, minflok ma’ jiġi massimizzat fuq medda qasira ta’ żmien akkost ta’ kollox, b’kontinwità tat-tradizzjoni b’saħħitha ta’ banek pubbliċi fl-UE li tirrappreżenta iktar minn 20 % tas-settur bankarju tal-UE (pereżempju l-KFW u n-netwerk ta’ banek reġjonali fil-Ġermanja; Caisse des Dépôts fi Franza; u Cassa Depositi e Prestiti fl-Italja) (6);

23.

jinnota f’dan il-kuntest il-mudell emerġenti Skandinavu ta’ aġenziji għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali: BNV (il-Pajjiżi l-Baxxi), KommuneKredit (id-Danimarka), Kommunalbank (in-Norveġja), Kommuninvest (l-Isvezja), Municipality Finance (il-Finlandja). Għalkemm huma differenti ħafna minn xulxin f’termini tal-livell ta’ parteċipazzjoni tal-gvernijiet ċentrali rispettivi u b’hekk ukoll il-livell ta’ kontroll eżerċitat minn dak il-gvern u l-livell ta’ riskju li huwa responsabbli għalih (7), jipprovdu triq alternattiva interessanti għall-finanzjament tal-investimenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż fi sħubija mas-settur privat: fil-każ tal-Finlandja pereżempju, l-Istat għandu f’idu sehem ta’ 16 % tal-Finanzjament Muniċipali (Muncipal Finance), sehem ta’ 31 % huwa f’idejn il-fondi tal-pensjonijiet pubbliċi Finlandiżi u 52 % f’idejn il-muniċipalitajiet. F’Wales beda dibattitu dwar il-potenzjal li jinħoloq Bank tal-Investiment ta’ Wales li jkollu sjieda pubblika;

Ir-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment

24.

jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdi l-BEI bħala l-istituzzjoni ta’ finanzjament fit-tul tal-UE (u l-akbar sellief u li jsellef multilaterali tad-dinja – jaħdem f’iktar minn 150 stat li mhumiex fl-UE) fl-appoġġ tal-PPPs fi ħdan l-UE, u fil-għoti ta’ għarfien espert u esperjenza lill-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ firxa ta’ InFIs fil-livell tal-UE, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea (inklużi JEREMIE, JESSICA, ELENA u l-faċilità RSFF; kif ukoll faċilitajiet ta’ appoġġ tekniku bħal JASPERS u JASMINE);

25.

jenfasizza l-valur li l-BEI joffri f’termini ta’ approċċ ibbażat fuq l-investiment, il-flessibilità biex l-appoġġ u s-self jitfasslu skont il-ħtiġijiet ta’ pakketti individwali, il-kapaċità li joffri appoġġ konsultattiv professjonali u għarfien espert tekniku lill-awtoritajiet pubbliċi, u li joffri kondizzjonijiet tajbin lill-klijenti minħabba l-klassifikazzjoni ta’ AAA fis-swieq finanzjarji internazzjonali;

26.

jenfasizza l-portafoll wiesa’ tal-appoġġ disponibbli tal-BEI u l-firxa ta’ tipi differenti ta’ interventi, inkluż self dirett lil proġetti (dawk ’il fuq minn EUR 25 miljun), self intermedjat permezz ta’ banek lokali, kapital ta’ riskju, skemi ta’ mikrofinanzjament, eċċ. u l-approċċ tiegħu mmexxi mill-politika għall-investimenti, b’enfasi fuq prijoritajiet globali tal-UE biex jiġu żviluppati SMEs, jiġu indirizzati żbilanċji ekonomiċi/soċjali, isiru investimenti fl-ambjent naturali/urban, l-ekonomija tal-għarfien, l-appoġġ għal Netwerks Trans-Ewropej, u l-provvista tal-enerġija sostenibbli fl-UE;

27.

jinnota li iktar minn 90 % tal-attività tal-BEI hija ffokata fuq l-Ewropa iżda dan jaqdi rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-aspetti finanzjarji tal-politiki esterni u ta’ żvilupp tal-UE, u dan il-fatt huwa milqguħ b’sodisfazzjon mill-Kumitat tar-Reġjuni;

28.

jenfasizza l-importanza dejjem tikber tal-finanzjament mill-BEI minn tmiem is-snin disgħin ’l hawn, evidenzjat fis-self dejjem jiżdied tul l-aħħar għaxar snin, u li deher ċar b’mod partikolari matul il-kriżi finanzjarja tal-aħħar 4-5 snin;

29.

jinnota li sa nofs is-sena 2000 is-self annwali tal-BEI kien żdied minn ECU 10 biljun fl-1998 għal EUR 45 biljun, b’qabża għal EUR 76 biljun fl-2011 (is-sena bl-ogħla livell) sabiex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis kontinwu fl-investiment privat matul il-kriżi. Sa tmiem l-2011 il-valur totali ta’ self għadu għaddej u li għadu ma tħallasx kien żdied b’iktar minn terz għal EUR 395 biljun; il-BEI kellu rwol essenzjali biex il-kapital ikun disponibbli madwar l-UE, u billi appoġġa għadd ta’ pajjiżi fiż-żona tal-euro li qed ibatu, inklużi l-Greċja, il-Portugall u Spanja;

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 10 bilju n deċiża fl-2012 u li se tippermetti ’l-BEI biex jipprovdi sa EUR 60 biljun f’self addizzjonali;

31.

jenfasizza l-valur li l-UE jkollha disponibbli assi bħal dan, li jista’ jirreaġixxi b’mod flessibbli u malajr għal ċirkostanzi li jinbidlu, li jadatta u jiżviluppa programmi ta’ appoġġ ġodda skont il-bżonn; itenni l-importanza fil-klima ekonomika attwali li Istituzzjoni tal-UE timplimenta investimenti bbażati fuq politika, immirati biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-UE, abbażi ta’ approċċ ta’ “mhux b’telf” minflok wieħed ta’ “profitti massimi”;

32.

jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-BEI għall-iżvilupp ta’ sensiela ta’ InFIs matul l-2007-2013 u għall-fatt li assigurat li jitħaddan il-prinċipju li l-finanzjament tal-UE għandu rwol ċar u valur miżjud x’jaqdi permezz ta’ dawn l-InFIs, li jikkomplementa u jmur lil hinn mir-rwol tradizzjonali msejjes fuq għotjiet; jinnota li sa tmiem l-2011 total ta’ 592 InFI kienu ġew żviluppati fl-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u l-Lussemburgu;

33.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrumenti ġodda ta’ “self għal programmi qafas” u “self għall-programmi strutturali” introdotti mill-BEI. Dawn l-istrumenti jistgħu jkun kritiċi għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali billi jippermetti l-finanzjament ta’ portafoll ta’ investimenti u għalhekk jingħeleb l-ostaklu tad-daqs tal-proġett (normalment l-ammont minimu misluf huwa EUR 25 miljun);

34.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibilità li dan l-approċċ jiġi estiż għall-baġit tal-UE bi strumenti finanzjarji li jippermettu li pakkett ta’ proġetti żgħar jiġi “titolizzat” (fost oħrajn billi jinħarġu bonds li jiffinanzjaw proġetti, li l-Kunsill Ewropew qabel dwarhom fil-konklużjonijiet tiegħu f’Ġunju 2012, inkluż proġett għal fażi pilota għall-qafas finanzjarju attwali kif ukoll b’rabta mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa bħala eżempju fejn dan jista’ possibbilment iseħħ fil-perjodu);

35.

jilqa’ l-passi li qed jittieħdu sabiex tiġi żgurata relazzjoni b’saħħitha u mill-qrib bejn il-BEI u l-Kumitat tar-Reġjuni, fid-dawl tar-rwol dejjem iktar importanti tal-BEI fl-appoġġ ta’ investimenti ekonomiċi fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Konġestjoni fl-użu ta’ sħubijiet pubbliċi privati u strumenti finanzjarji innovattivi

36.

jirrikonoxxi li kien hemm diffikultajiet tal-bidu fl-inklużjoni tal-InFIs fil-programmi tal-Fondi Strutturali matul il-perjodu 2007-2013, kif jidher ċar fir-rapport dwar il-valutazzjoni esterna għall-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fl-iffinanzjament u l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja kofinanzjati mill-Fondi Strutturali;

37.

jidentifika għadd ta’ fatturi li jispjegaw għalfejn dan id-dewmien, inkluż nuqqas ta’ għarfien u fehim tal-opportunitajiet, ħtieġa għal “bidla fil-kultura” tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni, minn għotjiet lejn strumenti finanzjarji, inklużi approċċi għar-riskju, il-kumplessità pperċeputa ta’ strumenti u metodi ta’ parteċipazzjoni, u tħassib dwar il-kumplessità tal-qafas regolatorju, inkluża l-leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat;

38.

jinnota tħassib speċifiku mill-bliet u l-awtoritajiet urbani fir-rigward tal-iżvilupp ta’ strumenti ta’ JESSICA matul il-perjodu ta’ programmar 2007-2013, l-iżjed dwar it-tensjonijiet bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għall-programmi u l-awtoritajiet tal-bliet; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon aktar ċarezza u ambitu usa’ fi ħdan l-abbozz tar-regolamenti għall-2014-2020 għall-ipprogrammar sottoreġjonali u għall-“investimenti territorjali integrati” li għandhom ifissru li l-bliet/żoni urbani jkunu iktar kapaċi jiżviluppaw skemi ta’ JESSICA fil-ġejjieni;

39.

jinnota xi fehmiet espressi fil-fażi tal-ġbir tal-evidenza li l-BEI għandu jkollu rwol ikbar, fi ħdan il-portafoll ta’ investimenti tiegħu, fl-aġġoġġ ta’ proġetti/inizjattivi “iżjed riskjużi”;

40.

jenfasizza l-importanza tal-appoġġ ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti, inklużi prijoritajiet ta’ politika bħall-iżvilupp ta’ teknoloġiji abilitanti ewlenin fl-UE (inkluż is-settur fototoniku pereżempju); isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-BEI biex jiżguraw li l-PPPs u l-InFIs matul l-2014-2020 jagħtu prijoritizzazzjoni suffiċjenti għal teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħala parti minn perspettiva ta’ investimenti iktar fit-tul għall-Ewropa;

Semplifikazzjoni, żieda fl-effiċjenza u tisħiħ tal-istrumenti fil-livell tal-UE (inklużi l-Fondi tal- QSK)

41.

jinnota li, fil-kuntest tal-perjodu 2007-2013, firxa wiesgħa ta’ strumenti tematiċi differenti ġew żviluppati, b’mod konfuż u ad hoc, hekk kif Direttorati Ġenerali differenti pprovaw jintroduċu metodi ġodda ta’ finanzjament;

42.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex iżżid l-effiċjenza u tissemplifika l-firxa ta’ InFIs disponibbli għall-perjodu 2014-2020;

43.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-twessigħ (8) tal-ambitu tal-InFIs għall-2014-2020 (kif stipulat fl-Artikoli 32-40 tal-abbozz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni) għal kull tip ta’ proġett, għall-objettivi tematiċi kollha u l-prijoritajiet ta’ investiment koperti mill-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi, u għall-fondi kollha tal-QSK; jistenna bil-ħerqa li jara adozzjoni wiesgħa u b’saħħitha ta’ dawn id-dispożizzjonijiet inkluż fil-programmi tal-iżvilupp rurali u dawk marittimi;

44.

jilqa’ b’sodisfazzjon b’mod partikolari t-tneħħija tal-projbizzjoni tal-iffinanzjar ta’ proġett minn iktar minn sors wieħed u l-possibilità li jiġu kkombinati diversi strumenti finanzjarji, li għandu jgħin biex jiffaċilita l-iffinanzjar ta’ proġetti lokali u reġjonali;

45.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex l-appoġġ għal SMEs innovattivi fil-COSME (9) jingħaqad mal-programm RSFF għall-SMEs taħt il-programm Orizzont 2020, b’effett ta’ lieva potenzjali għal investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ iżjed minn EUR 100 biljun matul l-2014-2020, li jirrappreżenta madwar 10 % tad-distakk li hemm qabel biex ikun jista’ jintlaħaq l-objettiv ta’ 3 % tal-PDG stabbilit mill-Istrateġija Ewropa 2020;

46.

jidentifika l-ħtieġa għal iktar għarfien fil-livell lokali u reġjonali dwar l-opportunitajiet potenzjali għal appoġġ mill-BEI, u jsejjaħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (inklużi l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għal programmi tal-QSK biex ikollhom rwol iktar proattiv meta jagħmlu kuntatt mal-BEI, filwaqt li jsejjaħ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI biex jorganizzaw aktar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni biex jiġu promossi l-opportunitajiet li diġà jeżistu u oħrajn ġodda;

47.

jissuġġerixxi sensiela ta’ konferenzi konġunti organizzati mal-Kumitat tar-Reġjuni matul l-2013 u l-2014, potenzjalment fil-kuntest tal-Ġimgħa tal-Open Days tar-Reġjuni, bħala mod wieħed kif dan jista’ jsir; itenni l-importanza li jiġu involuti f’dawn l-avvenimenti organizzazzjonijiet bħall-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Pubbliċi, il-KFW u s-settur bankarju kummerċjali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tan-netwerks tan-negozju;

48.

jinnota li tħassib komuni għal benefiċjarji huwa kif għandhom jinnavigaw il-firxa kumplessa ta’ strumenti li jappoġġjaw l-investimenti, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-SMEs (notevolment il-mikrointrapriżi);

49.

jinnota li għal ħafna mill-SMEs il-bank lokali tagħhom huwa l-post fejn imorru għal pariri u għal finanzjament, li jfisser li strumenti ta’ finanzjament tas-self (inklużi dawk appoġġati mill-BEI u mill-baġit tal-UE) jridu jsibu mezz effettiv kif jilħqu lin-negozji; jappella biex il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” jiġi applikat b’mod iktar strett fl-iżvilupp tal-InFIs;

50.

jinnota li f’dawk il-pajjiżi (pereżempju l-Ġermanja) fejn teżisti infrastruttura ta’ banek pubbliċi b’saħħitha u filosofija ta’ investiment immexxi mill-politika, joħorġu iktar fid-dieher ir-rabtiet bejn l-iżviluppi fil-politika tal-UE, strumenti ġodda u l-integrazzjoni fil-portafolli eżistenti ta’ servizzi mogħtija lill-SMEs fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

51.

għalhekk jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tar-riformi għaddejjin bħalissa tal-istrutturi ta’ governanza ekonomika tal-UE, biex iwettqu revizjoni iktar sistematika ta’ kif l-istrutturi finanzjarji/bankarji tal-UE, u dawk nazzjonali u sottonazzjonali jistgħu jaħdmu flimkien b’mod iżjed effettiv biex issir enfasi fuq l-appoġġ għall-SMEs u l-atturi kreattivi/innovattivi li jżidu l-valur fl-ekonomija tal-UE;

52.

jenfasizza l-interess li qed jikber tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiżviluppaw fondi multireġjonali fil-kuntest tal-istrateġiji makroreġjonali mal-BEI (pereżempju l-pajjiżi Nordiċi). Il-ġbir flimkien ta’ fondi b’dan il-mod, minflok fondi reġjonali separati u iżolati, jista’ jwassal għal riskju aktar mifrux u jżid l-effett ta’ lieva u l-effett multiplikatur tal-fondi involuti;

Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti

53.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol parteċipattiv tal-BEI fl-Inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti, immirata biex tgħin lill-promoturi ta’ proġetti privati joħorġu bonds sabiex jiffinanzjaw proġetti tal-infrastruttura u jattiraw finanzjament tas-swieq tal-kapital minn investituri istituzzjonali, inklużi l-fondi tal-pensjonijiet;

54.

jitlob l-estensjoni tal-inizjattiva dwar bonds li jiffinanzjaw proġetti sal-2020 u l-espansjoni tal-ambitu tagħha biex tinkludi setturi oħra barra n-netwerks trans-Ewropej, ladarba tkun saret valutazzjoni tal-fażi pilota (kif ġie mitlub mill-Parlament Ewropew);

55.

jappella għal skambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE biex jiġbdu l-attenzjoni dwar il-potenzjal li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jsirulhom valutazzjonijiet mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, bil-għan li jnaqqsu l-istatus ta’ riskju tagħhom meta jfittxu finanzjament privat;

56.

itenni t-talba li saret f’opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat tar-Reġjuni biex il-Kummissjoni Ewropea tesplora l-possibilità li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ “bonds taċ-ċittadini” u “bonds b’impatt soċjali” (li diġà jintużaw fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti) bħala strumenti finanzjarji innovattivi oħrajn li jappoġġjaw l-objettivi tal-UE;

57.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni ta’ valutazzjonijiet ex ante mmirati biex jiġġustifikaw il-loġika wara l-intervent pubbliku għal proġetti li jużaw dawn l-istrumenti finanzjarji;

58.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tikkjarifika l-applikabilità tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-InFIs, pereżempju billi tiżviluppa mudelli standardizzati lesti biex jintużaw u li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea u l-BEI jistgħu wkoll isaħħu l-għajnuna teknika tagħhom lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar dawn il-kwistjonijiet;

Sussidjarjetà u proporzjonalità

59.

jinnota li konsiderazzjonijiet ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità mhumiex rilevanti ħafna għal din l-Opinjoni, meta wieħed iqis li mhijiex rispons għal proposta leġislattiva jew ta’ politika tal-Kummissjoni Ewropea;

60.

jenfasizza madankollu l-importanza li jiġi żgurat li interventi fil-livell tal-UE jitwettqu abbażi tal-prinċipji tal-addizzjonalità/valur miżjud, u jilqa’ l-fatt li dan il-prinċipju huwa mħaddan fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid tal-EU fir-rigward tar-regoli applikabbli għal strumenti finanzjarji.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 1778/2012 final.

(2)  DEXIA Crédit local u CEMR (2012), Subnational public finance in the European Union (Il-fondi pubbliċi sottonazzjonali fl-Unjoni Ewropea), Lulju 2012.

(3)  It-terminu PPPs jintuża f’dan ir-rapport biex jirriferi għal proġetti ta’ investiment konġunti li jinvolvu msieħba pubbliċi/privati u finanzjament, u huwa mifhum fil-kuntest ta’ approċċ imsejjes fuq “proġetti”, investimenti ta’ darba bejn konsorzju pubbliku/privat.

(4)  It-terminu InFIs jintuża f’din l-Opinjoni biex jirriferi għal skemi jew strumenti stabbiliti biex jappoġġjaw firxa ta’ proġetti/azzjonijiet individwali, imwettqa permezz ta’ “holding fund” minflok proġett ta’ darba, pereżempju JEREMIE jew JESSICA. It-terminu InFI qed jintuża minflok il-frażi Strumenti ta’ Inġinerija Finanzjarja (FEIs) li wkoll jintuża ħafna fil-litteratura tal-UE u dik akkademika f’dan il-qasam.

(5)  Rapport Speċjali tal-CEPS Nru. 68, Ottubru 2012, paġna 1.

(6)  Istituzzjonijiet Finanzjarji Pubbliċi fl-Ewropa, Marzu 2011, Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Banek Pubbliċi (EAPB).

(7)  Il-Kommunalbank fin-Norveġja huwa ssorveljat 100 % mill-gvern ċentrali li huwa wkoll is-sid. L-Istat għandu sehem ta’ 50 % tas-sjieda tal-BNV fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-50 % l-oħra huma f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

(8)  Ara l-artikoli 32-40 tal-proposta għal Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-5 fondi koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni, jiġifieri l-FEŻR, il-FSE, il-FK, il-FAEŻR u l-FEMS.

(9)  Preċedentement kien jaqa’ taħt il-Programm għall-Kompetittività u Innovazzjoni (CIP) b’żewġ InFIs: il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b’Rata Għolja ta’ Tkabbir (GIF) u l-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG).


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/11


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku”

2013/C 139/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-politika industrijali trid issir wieħed mill-pilastri tal-kostruzzjoni Komunitarja, identifikata bħala prijorità politika ġenwina bl-istess livell ta’ impenn politiku bħall-koeżjoni, l-infrastruttura, jew l-agrikoltura;

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal kollu tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-politika industrijali kif stabbilit fl-Artikolu 173 tat-TFUE

jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li jitwaqqaf grupp ta’ tmexxija bil-għan li jiġbor flimkien il-poteri u r-riżorsi li jinsbu fil-livell Ewropew, dak nazzjonali u dak tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li llum il-ġurnata huma mifruxa fil-livelli u s-setturi kollha;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għadd ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali diġà poġġew l-innovazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali fil-qalba tal-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp; huma għandhom in-netwerks u l-esperjenza biex jiżviluppaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni li huma indispensabbli għall-iżvilupp tal-SMEs;

jipproponi li jinħarġu bonds għall-proġetti għall-finanzjament tal-SMEs u biex il-fondi ta’ investiment reġjonali jkunu jistgħu jiġu allokati lill-SMEs u l-intrapriżi ta’ daqs medju u li jservu biex isaħħu industrija Ewropea tal-kapital ta’ riskju bbażata fuq ir-reġjuni;

jissuġġerixxi li l-iskemi reġjonali ta’ innovazzjoni jiżviluppaw fi skemi reġjonali ta’ innovazzjoni u ta’ żvilupp industrijali.

Relatur

Is-Sur Claude GEWERC (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Picardie

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku

COM(2012) 582 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tenfasizza l-importanza tal-industrija;

Kummenti ġenerali

2.

bi 80 % tal-esportazzjonijiet u nfiq privat fir-riċerka u l-iżvilupp, l-industrija qed tkompli tmexxi ’l-Ewropa fl-isforz għall-globalizzazzjoni. Hija għandha effett ta’ xprun qawwi fuq l-ekonomija sħiħa, l-iktar f’termini ta’ impjieg (35 miljun persuna jaħdmu f’dan is-settur) u l-impatt fuq l-attivitajiet tas-servizzi;

3.

madankollu, f’dawn l-aħħar snin rajna l-kapaċitajiet produttivi Ewropej jiddgħajfu filwaqt li żdiedu l-inugwaljanzi intra-Komuntarji u t-tħassib dwar id-delokalizzazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej;

4.

l-Unjoni Ewropea nbniet abbażi tal-Komunità Ewropea tal-faħam u l-azzar. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali ssaħħaħ l-idea li l-prosperità u s-sostenibbiltà tal-Unjoni jiddependu fuq il-kapaċità tagħha li żżomm bażi ta’ manifattura soda bil-promozzjoni ta’ mudell industrijali ġdid – imsejjes fuq l-innovazzjoni u fuq investimenti ikbar f’teknoloġiji ġodda – li jgħaqqadha u jikkonferma l-pożizzjoni tagħha fl-ekonomija globali. Biex dan isir, l-Ewropa, in-nieqa tar-rivoluzzjoni industrijali, għandha l-għodod ekonomiċi, kulturali, xjentifiċi u politiċi indispensabbli għat-tiġdid industrijali: suq vast ta’ iktar minn 500 miljun abitant, impjegati mħarrġa u kwalifikati, it-tieni munita dinjija, intrapriżi dominanti fi kważi kull settur u qafas politiku stabbli;

5.

għaldaqstant, il-politika industrijali trid issir wieħed mill-pilastri tal-kostruzzjoni Komunitarja, identifikata bħala prijorità politika ġenwina bl-istess livell ta’ impenn politiku bħall-koeżjoni, l-infrastruttura, jew l-agrikoltura;

6.

dan il-bżonn qed jiġi rikonoxxut dejjem iktar imma mhux dejjem jiġi appoġġjat mill-Istati Membri, kif juri t-tnaqqis sproporzjonat propost fil-livell tal-Kunsill Ewropew fil-kuntest tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, f’oqsma partikolarment importanti għall-industrija, bħar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020) u l-infrastrutturi trans-Ewropej (mekkaniżmu ta’ interkonnessjoni);

7.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal kollu tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-politika industrijali kif stabbilit fl-Artikolu 173 tat-TFUE, b’mod partikolari billi tuża l-possibbiltà li “tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi […] il-koordinazzjoni [tal-Istati Membri fil-qasam tal-politika industrijali], b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi”;

8.

għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li jitwaqqaf grupp ta’ tmexxija bil-għan li jiġbor il-kompetenzi fil-livell Ewropew, dak nazzjonali u dak tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u r-riżorsi li llum il-ġurnata huma mifruxa fil-livelli u s-setturi kollha;

9.

għall-Kummissjoni, it-tisħiħ tal-bażi industrijali biex din tkun tista’ tilħaq l-20 % tal-PDG Ewropew jeħtieġ sitt linji ta’ azzjoni prijoritarji: teknoloġiji tal-manifattura avvanzati, teknoloġiji abilitanti essenzjali, il-bijoprodotti, politika industrijali, kostruzzjoni u materja prima sostenibbli, vetturi nodfa u netwerks intelliġenti. Din il-Komunikazzjoni tiċċentra fuq erba’ pilastri;

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

10.

jaqbel li l-industrija saret prijorità urġenti, ħaġa li wasslet biex il-Kummissjoni tfassal proposti għal perjodu qasir biex jakkumpanjaw il-proposti għal perjodu medju u fit-tul;

11.

madankollu, jinnota li d-diffikultajiet li qed tiffaċċja l-industrija f’ħafna Stati Membri huma ta’ natura strutturali li jeħtieġu bidliet profondi fit-tfassil, il-governanza kif ukoll il-finanzjament tal-politika industrijali u li għalhekk jeħtieġ li jitħaffu dawn il-bidliet u li jiġu allokati l-mezzi istituzzjonali u finanzjarji adatti;

12.

jaqbel li t-tfassil ta’ kundizzjonijiet qafas favur l-industrija u l-investiment fl-intrapriżi kif ukoll fl-ekosistema tagħhom huma indispensabbli biex tittejjeb il-kompetittività u jiġi żgurat tkabbir sostenibbli. L-isfida prinċipali għall-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej hija ż-żieda fil-produttività permezz ta’ ġestjoni sostenibbli effikaċi tar-riżorsi, b’mod partikolari tar-riżorsi umani, bis-saħħa tat-tagħlim tul il-ħajja, l-innovazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u tal-qligħ mal-impjegati minflok enfasi unika fuq l-ispiża tax-xogħol;

13.

bħall-Kummissjoni, jinnota l-konsegwenzi għall-finanzjament tal-ekonomija reali tal-kriżi finanzjarja, imma fl-istess ħin josserva li “sensiela ta’ miżuri” mhijiex adatta biex jiġi indirizzat żbilanċ sistemiku;

14.

jenfasizza l-importanza tal-kompetenzi għall-iżvilupp u l-immodernizzar tal-industrija Ewropea;

15.

jinsisti fuq l-urġenza li tittieħed azzjoni fuq l-aspetti umani, soċjali u territorjali fil-bidliet industrijali;

16.

jinnota li l-estensjoni tas-suq uniku s’issa ma ssarrfitx fit-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Unjoni, u jinsab sorpriż li l-parità monetarja ma tissemmiex fil-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq;

17.

jaqbel li l-intraprenditorija għandha tiġi mħeġġa, imma jissottolinja li huwa daqstant ieħor importanti li jiġu promossi u rikonoxxuti s-snajja’ tal-industrija;

18.

jitlob lill-Kummissjoni biex tirfina l-kapaċità ta’ analiżi tagħha kif ukoll l-għodda ta’ appoġġ għall-intrapriżi billi tistudja l-possibbiltà li toħloq, kif aċċettat li tagħmel għall-industriji agroalimentari, kategorija ġdida ta’ intrapriżi medji, bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, li jkollhom bejn 250 u 750 ħaddiem u valur tal-bejgħ ta’ anqas minn EUR 200 miljun. Din il-kategorija ta’ intrapriżi tista’ tibbenefika minn rati ta’ appoġġ adatti, ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar u inqas minn dawk għall-SMEs;

19.

jiddispjaċih li d-dimensjoni territorjali tal-politika industrijali ma tissemmiex ħlief ta’ fuq fuq filwaqt li huwa fil-livell tat-territorji tagħna li fih jgħixu u jitħarrġu ċ-ċittadini fejn jinħolqu stili ġodda ta’ għajxien, fejn jiġu stabbiliti l-infrastrutturi u l-pjattaformi tal-iskambju, fejn jinbtu n-netwerks u l-kooperazzjonijiet u fejn tinbena l-fiduċja marbuta mar-relazzjonijiet interpersonali;

20.

jappoġġja l-pilastri ta’ politika industrijali msaħħa: investiment fl-innovazzjoni, kundizzjonijiet aħjar ta’ aċċess għas-suq kif ukoll għall-kapital, il-kapital uman u l-ħiliet;

A.   NIFFAĊILITAW L-INVESTIMENT FIT-TEKNOLOĠIJI L-ĠODDA U FL-INNOVAZZJONI

21.

għadd ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali diġà poġġew l-innovazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali fil-qalba tal-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp; huma għandhom in-netwerks u l-esperjenza biex jiżviluppaw l-ekosistemi tal-innovazzjoni li huma indispensabbli għall-iżvilupp tal-SMEs;

22.

it-teknoloġiji avvanzati għal manifattura nadifa, bħall-materja prima sostenibbli, huma relatati b’mod naturali ma’ approċċ ibbażat fuq ekoloġija industrijali favorevoli għar-riċiklaġġ tal-materjali u l-kontroll tal-użu tal-enerġija;

23.

is-settur tal-kostruzzjoni u l-materja prima sostenibbli huwa marbut mill-qrib ukoll mal-għeruq lokali kemm fid-demostrazzjoni kif ukoll fl-għoti tal-investiment pubbliku;

24.

il-futur tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku jagħmel sens, fost affarijiet oħra, f’approċċ ġdid għall-mobbiltà, forma ġdida ta’ intermodalità marbuta b’mod partikolari mal-istazzjonijiet. Barra minn hekk, wieħed jista’ jaħseb ukoll f’użi oħra għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Hemm bżonn b’mod partikolari li jinsabu soluzzjonijiet ġodda għall-mobbiltà fil-bliet, inklużi ż-żoni periurbani;

25.

is-soltu, dan huwa suġġett fejn l-approċċ settorjali u l-approċċ ta’ koeżjoni jingħaqdu flimkien f’relazzjoni mill-qrib bejn il-ġestjoni sostenibbli tar-reġjun u l-iżvilupp industrijali;

26.

jitlob lill-Kummissjoni tressaq ’il quddiem id-data tal-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar l-industrija tal-azzar, li għandu jiġi ppubblikat f’Ġunju 2013;

27.

barra minn hekk, sew mil-lat tal-ekonomija diġitali kif ukoll fl-indirizzar tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-reġjuni tagħna huma postijiet naturali ta’ esperimentazzjoni, fejn jitlaqqgħu l-inizjattivi pubbliċi u privati;

28.

f’kull wieħed minn dawn l-oqsma, is-saħħa tal-Ewropa tinsab fil-kultura urbana tradizzjonali tagħha li hija kemm kultura ta’ “ngħixu flimkien” kif ukoll nisġa kumplessa. Din ser tkun sfida kbira, fil-livell dinji, għall-iżvilupp ekonomiku fis-snin li ġejjin;

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

29.

jaqbel mal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti lokalizzata proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jenfasizza li din tikkonċerna s-setturi industrijali kollha u trid takkumpanja l-bidla tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea;

30.

jisħaq fuq il-bżonn li jiġi promoss il-ħolqien ta’ proġetti li jlaqqgħu lill-imsieħba pubbliċi u privati fil-livell reġjonali biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut utli għall-għażliet strateġiċi importanti adottati mill-Unjoni;

31.

jenfasizza l-importanza li dan l-approċċ ikun ibbażat fuq kooperazzjoni intra-Komunitarja b’tali mod li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ Ewropa tal-innovazzjoni bbażat fuq ir-reġjuni;

32.

itenni l-proposta tiegħu għal patti territorjali li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu organizzati d-diversi livelli ta’ kooperazzjoni marbuta mal-proġett. Jipproponi li dan l-approċċ jiġi trattat f’dokument uniku ta’ programmazzjoni biex b’hekk ikun hemm konverġenza fil-livell tat-territorji bejn il-politiki nazzjonali u lokali mal-politiki settorjali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni;

33.

jitlob li l-investimenti relatati mad-dokumenti uniċi tal-programmazzjoni jkunu jistgħu jiffurmaw parti minn pakkett ta’ self dedikat tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jaħdem biex jinħolqu ekosistemi reġjonali ġodda għall-innovazzjoni ekonomika u soċjali. Dan jista’ jkun mezz speċjali biex jitħeġġu s-soluzzjonijiet innovattivi, biex l-intrapriżi jiġu provduti b’demostraturi u jiġi promoss il-ħolqien ta’ konsorzji f’oqsma li jeħtieġu sħubija ġdida bejn l-intrapriżi. Dawn l-ekosistemi jkunu sħubijiet pubbliċi/privati li jindirizzaw l-għan doppju li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-effikaċja tas-servizz pubbliku (u b’hekk jgħinu fir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku);

B.   AĊĊESS GĦAS-SWIEQ

34.

il-Kummissjoni tqis lit-titjib fl-aċċess għas-suq tal-prodotti bħala waħda mil-lievi speċjali tal-politika industrijali. Il-proposti tagħha jikkonċernaw kemm l-estensjoni tas-swieq fil-qasam tas-sigurtà, tad-difiża u tal-mediċina, kif ukoll suġġetti relatati mal-istandards, il-proprjetà industrijali u l-iżvilupp tal-intraprenditorija;

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

35.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar kemm hu importanti li jiġu stabbiliti standards Ewropej applikati mill-Unjoni u difiżi fis-suq globali, b’tali mod li l-innovazzjonijiet li jirriżultaw mill-intrapriżi Ewropej fir-rigward tar-rispett għall-ambjent, pereżempju, ma jkunux penalizzati, imma li għall-kuntrarju jkunu jistgħu jiġu imposti b’mod gradwali fis-suq globali kollu kemm hu. Huwa jixtieq li l-Unjoni tingħata l-mezzi biex tinnegozja u tiżgura li dawn l-istandards jiġu rispettati fil-qasam tal-ambjent, is-sigurtà industrijali, il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol minimi, sabiex il-prodotti Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu b’kundizzjonijiet ugwali fis-suq globali;

36.

bl-istess mod japoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li jiġu indirizzati d-disparitajiet fiskali u soċjali li jqiegħdu lir-reġjuni Ewropej f’kompetizzjoni ma’ xulxin, mingħajr ma jinħoloq ġid ġdid fil-livell tal-Unjoni;

37.

l-oqsma strateġiċi li tidentifika l-Kummissjoni b’mod ġust għandhom l-għan li jibdlu t-tendenzi ta’ konsum b’mod radikali bħall-organizzazzjoni tal-produzzjoni, id-diviżjoni industrija-servizzi, is-setturi u l-fergħat ta’ attività kif nafuhom illum, u fl-aħħar mill-aħħar, tip ta’ marketing b’netwerking tal-produzzjonijiet industrijali tagħna. Barra minn hekk, it-tħejjija tal-intrapriżi tagħna għal dawn il-bidliet hija sfida kbira li tista’ ssir permezz ta’ kooperazzjoni ikbar bejniethom, il-ħolqien ta’ konsorzji, u f’xi każijiet, sħubijiet pubbliċi-privati. Għandhom jiġu antiċipati u akkumpanjati inizjattivi għall-adattar għal domandi ġodda li ser inkunu kkontribwejna għalihom, biex inkunu attivi kemm fis-suq intern kif ukoll f’dak globali. L-Ewropa teħtieġ inġinerija tas-suq ugwali għall-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħha;

38.

din l-inġinerija tas-suq għandha tkun waħda mid-dimensjonijiet tal-pjattaformi b’riżorsi komuni territorjali;

C.   L-AĊĊESS GĦALL-FINANZI U S-SWIEQ KAPITALI

39.

għad li s-sitwazzjonijiet ivarjaw fil-pajjiżi, ir-rikors għas-swieq kapitali tas-self għall-finanzjament tal-intrapriżi jirrappreżenta biss 7 % tal-PDG fl-Ewropa meta mqabbla ma’ 35 % fl-Istati Uniti;

40.

il-Kummissjoni tinnota li hemm element ta’ fraġilità li għandha tiġi indirizzata b’taħlita ta’ appoġġ mis-settur pubbliku, u fl-istess ħin b’sensiela ta’ miżuri li jistgћu jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq kapitali;

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

41.

jinnota l-bżonn ta’ approċċ globali għall-muniti u l-finanzjament. Fil-fatt, l-industrija li jkollha l-iktar ċikli twal u li ma tantx trendi ġeneralment ma tantx hija attraenti għall-kapital li jkun qed ifittex rendiment għoli immedjat. L-investimenti li jsiru bil-għan li jagħtu qligħ konsiderevoli malajr jirriskjaw li jippreġudikaw l-iżvilupp tal-intrapriżi fuq perjodu twil;

42.

għalhekk jitlob li l-finanzjament tal-industrija jitqiegħed fil-qalba tal-istruttura finanzjarja u monetarja tal-Unjoni;

43.

jipproponi li jinħarġu bonds għall-proġetti għall-finanzjament tal-SMEs u biex il-fondi ta’ investiment reġjonali jkunu jistgħu jiġu allokati lill-SMEs u l-intrapriżi ta’ daqs medju u li jservu biex isaħħu industrija Ewropea tal-kapital ta’ riskju bbażat fir-reġjuni;

44.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ “bonds taċ-ċittadini” sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp industrijali lokali. Dawn il-bonds taċ-ċittadini jistgħu jwasslu biex il-proġetti appoġġjati mill-UE jibbenefikaw minn fondi addizzjonali mingħand iċ-ċittadini jew minn fondi pubbliċi oħra li jinvestu flushom biex jirċievu dividend garantit u ġust;

45.

jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fuq l-istrumenti finanzjarji li jippermettu l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fl-industrija u fil-Komunità;

46.

itenni li ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li l-għajnuna reġjonali mogħtija lill-intrapriżi fl-industriji tal-azzar u tal-fibri sintetiċi tkun fil-prinċipju inkompatibbli mas-suq intern;

47.

iqis li, fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali, l-investiment pubbliku huwa essenzjali fil-qafas ta’ strateġija globali tat-tkabbir. F’dan ir-rigward, jappoġġja r-riforma ġenerali tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat biex tkun aktar sempliċi, trasparenti u flessibbli. Din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għandha tkun ibbażata wkoll fuq approċċ aktar ekonomiku li jqis il-livell effettiv tar-riskju li l-għajnuna mill-Istat tħalli impatt fuq l-iskambji intra-Komunitarji u d-distorsjoni reali tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Din tmur id f’id mal-eżiġenza li titqies aħjar il-kwalità tal-ispejjeż pubbliċi u b’mod partikolari l-eżiġenza ta’ kontabilità speċifika fir-regoli Ewropej dwar is-sorveljanza makroekonomika tal-investimenti pubbliċi fl-infrastrutturi jew l-innovazzjoni meta mqabbla mal-ispejjeż pubbliċi tal-funzjonament;

48.

jipproponi li jiġi ppjanat il-ħolqien ta’ sottokategorija fil-qafas tal-ftehimiet ta’ Basel II biex l-istituzzjonijiet bankarji jkunu obbligati jinvestu fl-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, l-investimenti li jappoġġjaw it-teknoloġiji rivoluzzjonarji u l-investimenti soċjalment responsabbli;

D.   IN-NIES GĦANDU JKOLLHOM IR-RWOL EWLIENI

49.

il-Kummissjoni tfakkar li għandha tingħata prijorità lill-ħolqien tal-impjiegi u tinnota li politika industrijali kompetittiva u effikaċi għandha tkun ibbażata wkoll fuq suq tax-xogħol dinamiku peress li l-mobbiltà tax-xogħol hija fattur varjabbli ewlieni ta’ aġġustament f’dan il-proċess;

50.

jissottolinja li fi żmien ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika, il-flessibbiltà interna tista’ tkun mezz effikaċi biex jinżammu l-impjiegi u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-aġġustament;

51.

josserva li l-pajjiżi fejn is-swieq tax-xogħol kienu l-iżjed reżiljenti għall-kriżi għandhom il-karatteristika komuni tad-djalogu soċjali b’saħħtu. Għaldaqstant, jitlob li jissaħħaħ l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-politika industrijali u jesprimi b’mod konkret l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Parlament Ewropew għal direttiva għat-titjib tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema dwar l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar;

52.

jipproponi li jsir investiment fil-ħiliet u t-taħriġ professjonali biex jakkumpanja t-tibdiliet strutturali u jiġu antiċipati l-bżonnijiet relatati mal-impjiegi u l-kompetenzi;

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

53.

jaqbel li l-ġestjoni tal-kompetenzi hija kemm neċessità assoluta biex jirnexxu l-bidliet industrijali tal-Unjoni, kif ukoll miżura ta’ politika kontraċiklika;

54.

jenfasizza l-ostakli li jridu jingħelbu biex jinkisbu r-riżultati: in-nuqqas ta’ interess min-naħa taż-żgħażagħ f’karrieri industrijali, l-insuffiċjenza u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-iżviluppi ġodda fil-ġestjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni kontinwa u t-taħriġ vokazzjonali, in-nuqqas ta’ approċċ Ewropew u post għad-dibattitu dwar il-prospetti u l-istrateġija industrijali, il-kwistjonijiet li għandhom jaqgħu taħt id-djalogu soċjali u territorjali jitgħaddew lil kumitati tal-esperti;

55.

jikkonferma li l-bidliet ma jseħħux kif ġie ġie, imma huma fatt fundamentali tat-tranżizzjoni industrijali li qed tiffaċċja l-Unjoni;

56.

jipproponi li l-ġestjoni provviżorja tal-kompetenzi u t-tibdiliet titqies bħala element essenzjali tal-istrateġija industrijali fil-livelli kollha;

57.

sabiex jikber l-għadd ta’ SMEs li jesportaw lejn pajjiżi barra mill-UE jeħtieġ li jiżdiedu l-ħiliet fl-oqsma tal-IT u l-lingwi. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga b’iżjed reqqa l-iskala tan-nuqqasijiet li l-kumpaniji ż-żgħar fl-Istati Membri għandhom f’dawn l-oqsma;

58.

jikkonferma r-rwol tal-livell lokali fil-koordinazzjoni tad-dinamika tal-impjieg/it-taħriġ u t-tranżizzjoni industrijali;

59.

f’dan ir-rigward itenni l-appoġġ tiegħu għaż-żamma tal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex itejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiġġestixxu l-impatti tal-kriżi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol għall-ħaddiema li jkunu ntlaqtu ħażin mir-ristrutturar. Iqis li flimkien mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jkun utli li jiġi stabbilit fond ta’ aġġustament għall-bidliet biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-kompetenzi u t-tranżizzjoni industrijali. Għall-ewwel, jistgħu jiġu allokati għadd ta’ spejjeż fil-qafas tal-fondi strutturali u tal-programm Orizzont 2020 għall-adattament għall-bidliet. Madankollu jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi soċjali fl-intrapriżi, l-Istati u r-reġjuni jaġixxu kemm jista’ jkun kmieni fir-ristrutturar u b’mod proattiv sabiex jevitaw dan ir-ristrutturar jew tal-anqas inaqqsu l-konsegwenzi tiegħu fuq l-impjiegi, jew jadattaw it-tranżizzjonijiet imposti minn kapaċità żejda u jwettqu l-aġġustamenti f’waqthom;

60.

jissuġġerixxi li l-Unjoni Ewropea torganizza avvenimenti lokali biex iż-żgħażagħ tal-Unjoni jitħajru għall-industrija;

E.   GOVERNANZA

Il-Kumitat tar-Reġjuni:

61.

jaqbel li koordinazzjoni aħjar tal-politiki Ewropej u nazzjonali tkun ta’ benefiċċju għall-industrija;

62.

jinsisti li hemm bżonn li d-djalogu soċjali u territorjali jitqiegħed fil-qalba ta’ din id-dinamika f’kull livell;

63.

jitlob li jiġi stabbilit netwerk ta’ riżorsi biex jingħata kontribut għad-dibattitu demokratiku dwar il-futur tal-industrija;

64.

japprova l-involviment tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

65.

jissuġġerixxi li l-iskemi reġjonali ta’ innovazzjoni jiżviluppaw fi skemi reġjonali ta’ innovazzjoni u ta’ żvilupp industrijali.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-linji gwida tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà”

2013/C 139/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel li l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar m’għandhiex twaqqaf il-ħruġ mis-suq ta’ intrapriżi li m’għandhomx futur u b’hekk tipproduċi effetti li jmorru kontra l-prinċipji ta’ “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna”, bi ħsara għall-kompetizzjoni ħielsa, il-konsumaturi u l-kontribwenti. Għall-kuntrarju l-għajnuna tista’ tkun utli jekk ikollha l-għan li tgħin lill-kumpaniji strutturalment vijabbli biex jegħlbu perjodu ta’ instabbiltà, biex jiddefendu l-impjiegi u l-kompetenzi industrijali, biex iżommu l-istruttura ekonomika ta’ żona;

jipproponi l-introduzzjoni ta’ livelli minimi għan-notifika tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji;

jipproponi li l-perjodu massimu għall-miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ isir ta’ sitt xhur li jista’ jiġi estiż għal-darba b’sitt xhur;

huwa favur li jiġu stabbiliti kontropartijiet speċifiċi ma’ kontributi eċċezzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi, fosthom il-projbizzjoni li jitħallsu dividendi waqt il-perjodu ta’ ristrutturar;

jissuġġerixxi li b’analoġija għall-għajnuna mill-Istat tiġi applikata l-klawżola tad-durabbiltà tal-operazzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 57 tar-Regolament ġenerali attwali dwar il-fondi strutturali li jipprevedi li l-għajnuna tiġi rkuprata jekk l-investiment ma jinżammx sa ħames snin, jew tliet snin fil-każ ta’ SME;

jikkunsidra li l-ammont ta’ għajnuna massima fil-każ ta’ għotja kkombinata ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lill-istess kumpanija, li fl-2007 kien ġie stabbilit għal EUR 10 miljuni, irid jogħla għal EUR 15-il miljun biex jitqiesu l-inflazzjoni u fatturi rilevanti oħra (fosthom l-effetti fuq il-PDG u l-impjiegi);

Relatur

Is-Sur Christophe ROUILLOŃ (FR/PSE), Sinkdu ta’ Coulaines

Dokument ta’ referenza

Communication from the Commission Community

Guidelines on State Aid for Rescuing and Restructuring Firms in Difficulty [Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà] (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza li r-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà hija parti mir-riforma ġenerali ta’ modernizzazzjoni tal-politika tal-UE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, it-talbiet li saru fl-opinjoni tal-Kumitat dwar ir-riforma ġenerali (1) japplikaw b’mod analogu, anzi prijoritarju: semplifikazzjoni netta tar-regoli; titjib fil-mod li bih jiġu applikati fil-prattika kif ukoll żminijiet iqsar, anzi tħaffif tal-proċeduri; konċentrazzjoni fuq il-każijiet li għandhom impatt kbir fuq is-suq intern;

2.

jenfasizza l-importanza tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm minħabba l-importanza ta’ din l-għajnuna f’termini ta’ koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, kif ukoll minnħabba li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma donaturi ewlenin ta’ għajnuna ta’ dan it-tip;

3.

għaldaqstant il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reviżjoni ta’ dawn il-linji gwida hija utli fir-rigward tar-realtajiet ekonomiċi u soċjali u l-leġittimità demokratika, u konformi mar-rekwiżiti ta’ governanza f’diversi livelli, minkejja l-fatt li r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax;

4.

fil-fatt ifakkar li peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-politika tal-impjiegi u tal-appoġġ għall-kumpaniji li jkunu qed jirristrutturaw, huma jipparteċipaw ukoll b’mod attiv fl-isforzi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali, l-iżgurar tal-karriera professjonali, l-għoti ta’ ħajja ġdida lill-oqsma tal-impjiegi li jirrispondu għall-eżiġenzi ta’ antiċipazzjoni u akkumpanjament tar-ristrutturar;

5.

jinsab sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Settembru 2012 li l-linji gwida tal-2004 jingħataw it-tieni proroga u li fir-Rebbiegħa 2013 issir it-tieni konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tagħhom. Fil-fatt, il-proroga u l-konsultazzjoni l-ġdida għandhom jippermettu li ssir riflessjoni dwar il-prinċipji tar-riforma ġenerali tal-għajnuna mill-Istat u li l-partijiet interessati kollha jiġu involuti aktar fir-reviżjoni. Fil-fatt, il-konsultazzjoni inizjali li saret fi żmien qasir ħafna bejn Diċembru 2010 u Frar 2011 (2) ma qajmitx reazzjoni ħlief minn 19-il Stat Membru, 9 organizzazzjonijiet u l-ebda awtorità lokali u reġjonali. Għaldaqstant jitlob konsultazzjoni formali tal-Kumitat tar-Reġjuni biex jipparteċipa fit-tieni konsultazzjoni prevista fir-Rebbiegħa 2013 b’mod li jkun jista’ jwassal il-pożizzjoni komuni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej;

6.

barra minn hekk iqis li l-proroga tal-linji attwali ser tippermetti li jinsiltu xi lezzjonijiet dwar l-impatt tal-kriżi fil-qasam tal-politika tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà. F’dan il-kuntest jistagħġeb għall-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-aġġornament tal-2012 tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (3) ma joħroġx b’mod distint l-iżvilupp tal-volum tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji f’diffikultà u li l-analiżi tal-impatt tal-kriżi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ġiet illimitata għall-għajnuna lis-settur finanzjarju. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Kummissjoni tiddistingwi bejn l-għajnuna mill-Istat mhux marbuta mal-kriżi, li fl-2011 laħqet EUR 64,3 biljun (0,5 % tal-PDG tal-UE), u l-għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju, li fl-2011 laħqet EUR 714,7 biljun (5,7 % tal-PDG tal-UE);

7.

madankollu jqis li fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà ta’ miżuri pubbliċi favur kumpaniji f’diffikultà ma tistax tiġi limitiata għall-perjodi ta’ kriżi. Il-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ilhom jiġu implimentati mill-1994 f’kuntesti ekonomiċi differenti bil-għan li jiddefinixxu qafas Ewropew li jippermetti ż-żamma ta’ impjiegi u tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’kundizzjonijiet definiti b’mod strett. Għaldaqstant l-għanijiet tal-linji gwida li ħarġu fl-1994 u li ġew ikkonfermati fl-1999 u fl-2004 għadhom pertinenti;

8.

itenni l-oppożizzjoni tiegħu kif kien diġà iddikjara fl-2004 (4) għall-għan ta’ tnaqqis kwantitattiv u indivrenzjat tal-għajnuna mill-Istat meta mqabbla mal-PDG (imsemmi fil-punt 3 tal-linji gwida attwali);

9.

jaqbel li l-finanzjament irid ikun allokat b’mod espliċitu għar-ristrutturar sabiex tiġi żviluppata attività kummerċjali innovattiva u kompetittiva. L-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar m’għandhiex twaqqaf il-ħruġ mis-suq ta’ intrapriżi li m’għandhomx futur u b’hekk tipproduċi effetti li jmorru kontra l-prinċipji ta’ “ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna”, bi ħsara għall-kompetizzjoni ħielsa, il-konsumaturi u l-kontribwenti. Għall-kuntrarju l-għajnuna hija utli jekk ikollha l-għan li tgħin lill-kumpaniji strutturalment viabbli biex jegħlbu perjodu ta’ instabbiltà, biex jiddefendu l-impjiegi u l-kompetenzi industrijali, biex iżommu l-istruttura ekonomika ta’ żona, u f’każ ta’ bżonn biex jingħata servizz pubbliku u saħansitra tinżamm struttura tas-suq kompetittiva ħalli tiġi evitata sitwazzjoni ta’ monopolju jew oligopolju u biex l-intrapriżi b’attività strateġika għall-Unjoni Ewropea jiġu mgħejuna jegħlbu sitwazzjonijiet ta’ tensjonijiet tranżitorji fil-kompetizzjoni dinija;

10.

iqis li r-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà huma element essenzjali tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea biex tiffaċċja l-isfidi tal-globalizzazzjoni. F’dan il-kuntest itenni l-appoġġ tiegħu għaż-żamma tal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjonili jista’ jippermetti titjib fil-kapaċità tal-Istati u r-reġjuni li jiġġestixxu l-effetti tal-kriżi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol għall-ħaddiema li jitilfu x-xogħol minħabba r-ristrutturar;

11.

madankollu jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi soċjali fl-intrapriżi, l-Istati u r-reġjuni jaġixxu kemm jista’ jkun kmieni fir-ristrutturar u b’mod proattiv sabiex fejn possibbli jnaqqsu l-effetti tar-ristrutturar fuq l-impjiegi, jew jadattaw it-tranżizzjoni imposta minn kapaċità żejda u jwettqu l-aġġustamenti;

12.

jitlob li waqt ir-ristrutturar tintervjeni t-“Task force interaġenzjali” tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni enfasizzat l-effikaċja tar-rwol tat-Task Force fil-każijiet marbutin mal-industrija tal-karozzi fejn din kienet attiva l-aktar fl-għoti ta’ pariri dwar l-użu tar-riżorsi (bl-għoti ta’ assistenza teknika, bit-tnaqqis tal-perjodi ta’ stennija, bl-għoti ta’ pariri dwar l-aktar użu effikaċi tar-riżorsi, bl-assigurazzjoni ta’ segwitu u t-tfassil ta’ rapporti);

13.

għaldaqstant, il-Kumitat jixtieq li din l-istituzzjoni (it-Task Force) tingħata bażi legali aktar formali u aktar solida biex tkun tista’ twettaq il-missjonijiet tagħha b’mod leġittimu u effikaċi;

14.

iqis li din it-Task Force tista’ tkun il-punt ta’ tluq għall-bini ta’ pjattaforma ta’ skambji, koordinazzjoni u anke negozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati, partikolarment l-imsieħba soċjali f’livelli differenti, biex il-kwistjonijiet marbutin mal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu trattati b’mod raġonevoli u realistiku;

15.

f’dan il-kuntest jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti modi ġodda ta’ governanza b’rabta mal-iżvilupp tal-politika industrijali;

16.

iqis li jekk jiġu introdotti proċeduri ta’ smigħ quddiem il-Kummissjoni Ewropea, tal-partijiet interessati kkonċernati mill-għajnuna mill-Istat biex huma jkunu jistgħu jsemmgħu t-tħassib tagħhom dwar ir-ristrutturar, il-kompetituri f’riskju li jintlaqtu ħażin mill-għajnuna mill-Istat ukoll ikollhom jinstemgħu;

17.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bażi ta’ data pubblika online b’informazzjoni komprensiva dwar l-għajnuna kollha mill-Istat fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali; din l-inizjattiva tista’ żżid it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna u għandha żewġ għanijiet: it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u ż-żieda fir-responsabbiltà politika dwar l-għajnuna mill-Istat;

Dwar id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida (it-tieni parti)

18.

jitkellem favur iż-żamma tad-definizzjoni attwali ta’ intrapriża f’diffikultà (punti 10 u 11), peress li din ħadmet fil-prattika mill-2004 u tippermetti l-prijoritizzazzjoni ta’ għajnuna li tingħata fi stadju kemm jista’ jkun avvanzat u b’hekk b’ammont relattivament baxx meta mqabbel ma’ għajnuna mogħtija lil intrapriżi li l-vijabbiltà tagħhom fi żmien medju hija kompromessa;

19.

iqis madankollu li hemm bżonn ta’ kjarifika fir-rigward tal-interazzjoni bejn il-mekkaniżmu għall-għajnuna mill-Istat għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEIs) u l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà. Fil-fatt huwa ta’ dispjaċir li l-qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (5) jiddikjara li “Għajnuna lil fornituri tal-SGEIs li jinsabu f’diffikultà tiġi vvalutata skont il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà” (punt 9). Konkretament dan ifisser li kumpanija f’diffikultà li tista’ tkun vijabbli jekk tirrikorri għall-kumpens tas-SGEIs minħabba din id-dispożizzjoni jkollha tkun soġġetta għall-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà minkejja l-fatt li din l-iskema fiha wisq piż amministrattiv u tinvolvi l-użu tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li l-punt 9 tal-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku jiġi emendat;

20.

huwa oppost għall-idea li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida jiġi ristrett għal intrapriżi li jkunu għaddejjin minn proċedimenti formali ta’ insolvenza peress li s-salvataġġ ta’ intrapriża falluta jwassal għal riskji legali kbar, is-suċċess tas-salvataġġ huwa eċċezzjoni, speċjalment għall-SMEs u fi kwalunkwe każ l-indirizzar tad-diffikultajiet ta’ intrapriża qabel ma jinfetħu l-proċedimenti kollettivi jidher li huwa dejjem aktar effikaċi;

21.

iqis li d-distinzjoni bejn l-għajunua għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturar (punti 15 u 16) tista’ tinżamm kif inhi;

22.

jipproponi l-introduzzjoni ta’ livelli minimi għan-notifika tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji. Miżura bħal din tippermetti li tiġi eskluża minn qabel għajnuna li ma toħloqx l-effett ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Hija tagħti kontribut importanti wkoll għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq is-servizzi tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn il-livelli minimi speċifiċi għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji jistgħu jiġu stabbiliti pereżempju, għal ammont ta’ garanzija ta’ EUR 200 000 għall-SMEs u EUR 500 000 għall-intrapriżi l-oħra. F’każ ta’ bżonn, l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tista’ tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa meta din issir għall-SMEs. Din il-miżura tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet pubbliċi jirreaġixxu malajr għas-sitwazzjonijiet diffiċli li jiffaċċjaw dawn il-kumpaniji li, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, ftit li xejn jaffettwaw il-kompetizzjoni u l-kummerċ fi ħdan is-suq intern;

Għajuna għas-salvataġġ

23.

jitlob li jitwal il-perjodu massimu għall-miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ li bħalissa huwa stabbilit għal sitt xhur (punt 25). Fil-fatt, l-esperjezza prattika turi li din l-iskadenza hija spiss qasira wisq fid-dawl tal-kumplessità tal-iżvilupp ta’ pjan ta’ kontinwità, b’mod partikolari meta dan il-pjan jieħu t-triq tal-irkupru. Barra minn hekk, irid jitqies il-perjodu ta’ analiżi mill-Kummissjoni tal-pjani ta’ ristrutturar, perjodu li jkun mifrux fuq diversi xhur, u kultant tgħaddi sena bejn in-notifika tal-għajnuna u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jipproponi li l-perjodu massimu għall-miżuri ta’ għajnuna għas-salvataġġ isir ta’ sitt xhur li jista’ jiġi estiż għal-darba b’sitt xhur;

Kontropartijiet

24.

jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tagħti aktar kas tal-effetti negattivi tal-kontropartijiet kontropartijiet fil-forma ta’ trasferiment tal-assi. Fil-fatt, fl-istat attwali, l-intrapriża li tirċievi l-għajnuna tista’ ssib li hija kostretta li titlaq assi essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tagħha. Barra minn hekk, il-kontropartijiet jistgħu jipproduċu effett negativ fuq il-kompetizzjoni peress li jistgħu joħolqu restrizzjoni tal-offerta fis-suq ikkonċernat. Għaldaqstant jeżiġi li kull każ jiġi studjat fuq il-merti tiegħu abbażi ta’ analiżi tas-suq li tiffoka fuq id-distorsjonijiet reali tal-kompetizzjoni; jissuġġerixxi li l-miżuri kompensatorji fil-forma ta’ bejgħ tal-assi jkunu kkonċentrati fuq il-partijiet tas-suq fejn hemm kapaċità żejda;

25.

jikkunsidra li l-miżuri ta’ mġiba ta’ kumpens, li jikkorrespondu għall-għażliet ta’ ġestjoni jew ta’ strateġija tal-intrapriżi, bħall-projbizzjoni ta’ nfiq għall-espansjoni u l-akkwisti, il-projbizzjoni ta’ pubbliċità eċċ, għandhom jingħataw aktar importanza bħala kontropartijiet;

26.

huwa favur li jiġu stabbiliti kontropartijiet speċifiċi ma’ kontributi eċċezzjonali mill-awtoritajiet pubbliċi, fosthom il-projbizzjoni li jitħallsu dividendi waqt il-perjodu ta’ ristrutturar. Din mhijiex biss eżiġenza morali iżda wkoll ħtieġa biex jiġi evitat l-effett possibbli li l-Istat jerfa’ l-piż finanzjarju tar-ristrutturar tal-kapital privat;

27.

jissuġġerixxi li b’analoġija għall-għajnuna mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali tiġi applikata l-klawżola tad-durabbiltà tal-operazzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 57 tar-regolament ġenerali attwali dwar il-fondi strutturali. Fil-fatt, dan l-Artikolu jipprevedi li l-għajnuna tiġi rkuprata jekk l-investiment ma jinżammx sa ħames snin, jew tliet snin fil-każ ta’ SME. Intrapriża li tkun għaddiet minn proċedura ta’ rkupru wara delokalizzazzjoni ma tkunx tista’ terġa tibbenefika minn fondi strutturali;

28.

iqis li għandha tkun possibbli li jiġu inklużi l-ishma tas-sottokuntratturi jew l-impjegati tal-kumpanija meta tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni tal-kumpanija peress li dawn huma separati b’mod ċar minn kwalunkwe forma ta’ għajuna u juru li l-atturi tal-kumpanija għandhom fiduċja fil-vijabbiltà tal-kumpanija tagħhom;

Kontribut tal-intrapriża

29.

jixtieq li l-prinċipju tal-kontribut tal-intrapriża jibqa’ indispensabbli għar-responsabbiltà tagħha. Madankollu jqis li l-livelli attwalment previsti (punt 44) għall-intrapriżi ta’ daqs medju (tal-anqas 40 %) u għall-intrapriżi ta’ daqs kbir (tal-anqas 50 %) diffiċilment jintlaħqu minn intrapriżi f’diffikultà u ma jqisux iċ-ċirkostanzi finanzjarji partikolari fis-setturi rispettivi. Għaldaqstant jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li tbiddel il-livelli attwali għal skala li tipprevedi livelli minimi ta’ 20 % għall-intrapriżi ta’ daqs medju u ta’ 30 % għall-intrapriżi ta’ daqs kbir b’mod li jkollhom marġni ta’ apprezzament adattat għas-sitwazzjoni tal-intrapriża kkonċernata;

L-ammont ta’ għajnuna massima fil-każ ta’ għotja kkombinata ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lill-istess kumpanija

30.

jikkunsidra li l-ammont ta’ għajnuna massima fil-każ ta’ għotja kkombinata ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lill-istess kumpanija li fl-2007 kien ġie stabbilit għal EUR 10 miljuni jrid jogħla għal EUR 15-il miljun biex jitqiesu l-inflazzjoni u fatturi rilevanti oħra (fosthom l-effetti fuq il-PDG u l-impjiegi);

Analiżi kontrofattwali

31.

iqis li l-analiżi kontrofattwali kif inhi prevista fl-anness attwali tal-linji gwida ma tidhirx adattata għall-ħtieġa ta’ żmien ta’ reazzjoni qasir ħafna. Fil-fatt, fil-perjodu qasir ħafna ta’ tħejjija għall-pjan ta’ salvataġġ u/jew ta’ ristrutturar, il-ħolqien ta’ mudelli xjentifiċi għax-xenarji differenti possibbli ma jistax jitqies bħala prijorità fuq l-eżiġenza ta’ soluzzjonijiet ta’ malajr min-naħa tal-klijenti, il-provvedituri, l-imsieħba finanzjarji u l-impjegati. Għaldaqstant, qed jiġi propost li jitħassar l-anness għal-linji gwida.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 1528/2012

(2)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2010_restructuring_aid/index.html

(3)  COM(2012) 778 final, 21.12.2012.

(4)  CdR 518/2004 fin.

(5)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15-22.


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Appoġġ tal-UE għal bidla sostenibbli f’soċjetajiet fi tranżizzjoni”

2013/C 139/05

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-UE għandha tieħu azzjoni b’mod komprensiv, immirat u fit-tul bħala appoġġ għar-riforma fil-pajjiżi fi tranżizzjoni bil-għan li jkun hemm stabilizzazzjoni u biex jinkisbu bidla ġenwina u sostenibbli, u strutturi demokratiċi dejjiema;

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom esperjenza wiesgħa fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika relatata mal-għoti ta’ servizzi pubbliċi essenzjali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-proċess tal-bidla sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni;

jinnota li fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba hemm dawn l-ostakli: nuqqas ta’ awtonomija finanzjarja u ambitu fiskali limitat; żvilupp dgħajjef tad-demokrazija lokali, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; nuqqas ta’ għarfien dwar l-għajnuna finanzjarja disponibbli fil-qafas tal-programmi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; nuqqas ta’ kapaċità biex jieħdu sehem fil-programmi u l-proġetti tal-UE

jenfasizza l-possibbiltajiet li joffru l-istrumenti ta’ appoġġ li ħoloq il-Kumitat tar-Reġjuni għall-politika tal-UE fil-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-forma tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP);

jirrakkomanda li l-parteċipazzjoni fil-programmi TAIEX tiġi estiża għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi interessati;

beħsiebu jappoġġja t-taħriġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi fi tranżizzjoni biex jissaħħaħ il-bini tal-kapaċità lokali. B’rabta ma’ din il-kwistjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni ser iniedi djalogu mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u partijiet oħra interessati;

jinnota li l-Kumitat qed jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil ta’ atlas ta’ kooperazzjoni deċentralizzata u li qed jorganizza konferenza annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata.

Relatur

is-Sur KOBYLIŃSKI (PL/PSE), Sindku tal-Balt ta’ Słupsk

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli f’Soċjetajiet fi Tranżizzjoni

JOIN(2012) 27 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar l-Appoġġ tal-UE għal Bidla Sostenibbli f’Soċjetajiet fi Tranżizzjoni, li tanalizza l-appoġġ li ngħata sal-lum, u tipproponi għajnuna aħjar mill-UE lill-pajjiżi msieħba li għaddejjin minn tranżizzjoni, jiġifieri l-pajjiżi għaddejjin minn riformi kbar fil-qasam politiku, soċjali u ekonomiku;

2.

jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-UE għandha tieħu azzjoni b’mod komprensiv, immirat u fit-tul bħala appoġġ għar-riforma fil-pajjiżi fi tranżizzjoni bil-għan li jkun hemm stabilizzazzjoni u biex jinkisbu bidla ġenwina u sostenibbli, u strutturi demokratiċi dejjiema. Dan huwa partikolarment importanti peress li l-proċessi ta’ tranżizzjoni mhux dejjem ser jirnexxu mill-ewwel u jġibu magħhom, f’każ li jfallu, ir-riskju li jippreċipitaw kriżijiet u jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż jew tar-reġjun kollu;

3.

jenfasizza li l-avvenimenti li jseħħu fil-pajjiżi ġirien tal-UE, bħat-taqlib soċjali u l-bidliet politiċi vjolenti fil-pajjiżi Għarab fl-2011, għandhom impatt dirett fuq l-Istati Membri tal-UE. F’dan il-kuntest, il-ġirien tal-UE li għaddejjin minn tranżizzjoni jeħtieġu iktar attenzjoni u impenn partikolari u sħiħ mill-pajjiżi u l-istituzzjonijiet tal-UE f’diversi livelli;

4.

bi pjaċir jilqa’ l-approċċ iktar preċiż u mmirat għall-użu tal-istrumenti ta’ appoġġ għas-soċjetajiet fi tranżizzjoni, ibbażat fuq il-bżonnijiet u ċirkostanzi speċifiċi tagħhom kif ukoll il-karatteristiċi politiċi, ekonomiċi u kulturali;

5.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fl-attivitajiet li jappoġġjaw il-bidliet sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni;

6.

ifakkar dak li jingħad fl-Opinjoni tiegħu CdR 732/2012, jiġifieri li sabiex l-atturi lokali jassumu r-responsabbiltà u tiġi promossa d-demokrazija lokali, tinħtieġ il-fiduċja fis-sistema politika u fir-rappreżentanti tagħha. Id-deċentralizzazzjoni twassal għal istituzzjonijiet aktar leġittimi u aktar effettivi u hi l-iktar mezz importanti biex tinħoloq rabta aktar mill-qrib bejn il-livelli governattivi u ċ-ċittadini. Il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet miftuħin, li jitwettqu b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jikkontribwixxu biex iċ-ċittadini jadottaw il-valuri demokratiċi – u dan huwa prerekwiżit għal soċjetà pluralistika u tolleranti;

7.

jiġbed l-attenzjoni li l-imsieħba mhux statali u l-awtoritajiet lokali jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni effettiva tal-politika għall-promozzjoni tal-governanza demokratika, id-drittijiet tal-bniedem, il-benesseri ekonomiku u soċjali u l-paċi u l-istabbiltà b’mod li jwassal għal riformi soċjali, ekonomiċi u politiċi sostenibbli kif ukoll riformi fil-protezzjoni tal-ambjent u l-integrazzjoni reġjonali;

8.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-proċess tal-iskambju tal-esperjenza u biex jinġabru flimkien id-diversi mudelli ta’ tranżizzjoni, peress li għandhom għarfien u esperjenza prezzjuża f’oqsma importanti għall-pajjiżi msieħba, pereżempju fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala atturi ewlenin fil-politika tat-tkabbir, tal-viċinat u tal-iżvilupp;

9.

jikkonferma l-punti ewlenin tal-Opinjoni tiegħu dwar “Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat b’Saħħitha” (CdR 198/2011 fin) (1);

10.

bi pjaċir jilqa’ l-proposta li l-UE ssaħħaħ id-djalogu u l-koordinazzjoni tagħha ma’ msieħba oħra mhux statali, fosthom l-awtoritajiet lokali;

Appoġġ għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal tranżizzjoni li tirnexxi

11.

bi pjaċir jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol ewlieni tas-soċjetà ċivili u tal-impenn u l-appoġġ pubbliku wiesa’ għall-proċessi ta’ riforma, it-tranżizzjoni b’suċċess u d-djalogu politiku, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs jaqdu rwol importanti fit-tfassil tagħhom;

12.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom esperjenza wiesgħa fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika relatata mal-għoti ta’ servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u l-ilma, l-intraprenditorija lokali, it-trasport u l-infrastruttura, l-ambjent u r-riżorsi naturali, għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-proċess tal-bidla sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni;

13.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà kbira, fil-fatt daqs l-awtoritajiet nazzjonali, għall-iżvilupp u l-protezzjoni tad-demokrazija ġenwina, l-edukazzjoni ċivika, it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet umani;

14.

itenni l-proposti li kien għamel fl-2011 fid-Dikjarazzjoni u r-Riżoluzzjoni (2) tiegħu dwar il-viċinat tan-nofsinhar (il-pajjiżi tal-Mediterran), jiġifieri li huwa ferm importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE jiġu inklużi fl-azzjoni mmirata lejn dan ir-reġjun peress li l-bini tad-demokrazija u t-tranżizzjoni demokratika jibdew l-ewwel u qabel kollox fil-livell lokali u ma jistgħux jiġu imposti mil-livelli ta’ fuq. Ir-responsabbiltà u l-impenn lokali fil-ħidma għal komunità lokali, mill-bliet u l-gvern lokali sas-soċjetà ċivili, huma ta’ importanza kbira biex tinżamm l-istabbiltà demokratika u l-għeruq sodi tagħha fis-soċjetà;

15.

jirrakkomanda li ssir enfasi ikbar fuq il-ksib ta’ governanza tajba u t-tisħiħ tal-governanza fil-livell sottonazzjonali kif ukoll f’diversi livelli. Il-Kumitat ippreżenta l-governanza f’diversi livelli bħala azzjoni koordinata mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, abbażi ta’ sħubija u mmirata lejn it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (3). Il-governanza effettiva f’diversi livelli fil-pajjiżi ġirien tal-UE li jkunu għaddejjin minn tranżizzjoni tista’ tinkiseb billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom jingħataw aċċess dirett għall-finanzjament mill-programmi tal-UE;

16.

jiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li huma Stati Membri tal-UE huma f’bosta każi eżempji tat-twettiq effettiv tal-proċessi ta’ tranżizzjoni sistemika, politika, soċjali u ekonomika. Ir-riżultati ta’ dawn il-pajjiżi, imma wkoll il-problemi li xi wħud minnhom iffaċċjaw, jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni u jgħinu fl-iżvilupp ta’ mudelli adegwati biex isiru r-riformi fil-pajjiżi fi tranżizzjoni. Għalhekk jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi li saru membri tal-UE fl-2004 u l-2007 jitqiesu bħala atturi importanti fil-proċess tal-iskambju tal-esperjenza mal-pajjiżi msieħba;

17.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fil-ħidma li ssir fil-livell nazzjonali u internazzjonali biex jinħolqu u jiġu implimentati l-politiki li jappoġġjaw il-bidliet sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni;

18.

jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni, peress li l-gvern lokali jaqdi u għandu jaqdi rwol importanti f’dan il-qasam;

19.

jissottolinja l-ħtiġiet u l-esiġenzi tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi fi tranżizzjoni, li għalihom jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvolvi l-livelli sottonazzjonali tal-gvern fid-diskussjonijiet mal-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi fi tranżizzjoni;

20.

jinnota li fit-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba hemm dawn l-ostakli: nuqqas ta’ awtonomija finanzjarja u ambitu fiskali limitat; żvilupp dgħajjef tad-demokrazija lokali, it-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; nuqqas ta’ għarfien dwar l-għajnuna finanzjarja disponibbli fil-qafas tal-programmi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; nuqqas ta’ kapaċità biex jieħdu sehem fil-programmi u l-proġetti tal-UE. Naturalment dawn il-fatturi japplikaw b’mod differenti fil-pajjiżi differenti. It-tnaqqis ta’ dawn l-ostakli jeħtieġ l-appoġġ: riforma fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali; it-tkomplija tal-iżvilupp tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika u s-sħubija fil-livell lokali; l-iskambju tal-esperjenza u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-kontrapartijiet tal-UE f’oqsma ta’ importanza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; il-bini ta’ kapaċitajiet sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fil-programmi u l-proġetti tal-UE;

21.

jinnota li jekk l-UE tixtieq ittejjeb il-kapaċità amministrattiva fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li hija kwistjoni kruċjali għal ħafna minnhom; l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti f’din il-politika. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi fi tranżizzjoni huwa ta’ importanza ewlenija peress li l-politiċi u r-rappreżentanti tal-gvern lokali, b’ħiliet u għarfien imtejba, jistgħu jikkontribwixxu biex jifforma gvern effettiv, miftuħ u trasparenti;

22.

jenfasizza li, bis-saħħa tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir u tal-politika tal-viċinat, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu l-possibbiltà li jippromovi l-għanijiet ta’ din il-politika. Il-gruppi ta’ ħidma u l-kumitati konsultattivi konġunti, il-CORLEAP u l-ARLEM jaqdu rwol essenzjali f’din il-kooperazzjoni;

Strumenti ta’ appoġġ

23.

bi pjaċir jilqa’ t-tentattiv biex tittejjeb is-sistema ta’ inċentivi u restrizzjonijiet permezz ta’ kundizzjonalitajiet iktar preċiżi u effettivi;

24.

jiġbed l-attenzjoni li l-inċentivi u l-kundizzjonijiet għall-pajjiżi tat-tkabbir u tal-politika tal-viċinat, u l-allokazzjoni tal-fondi u l-appoġġ għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-progress fir-riformi, inkluża d-deċentralizzazzjoni u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza fil-livell adatt tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

25.

jenfasizza l-possibbiltajiet li joffru l-istrumenti ta’ appoġġ li ħoloq il-Kumitat tar-Reġjuni għall-politika tal-UE fil-pajjiżi ġirien, jiġifieri l-pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-forma tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP);

26.

jinnota li l-ARLEM tagħti kontribut importanti f’ħafna oqsma biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran, b’mod partikolari rigward l-iżvilupp urban, il-ġestjoni tal-ilma lokali, l-enerġija rinnovabbli u l-SMEs. Hija għenet biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-Mediterran u biex din tintwera fil-prattika;

27.

jenfasizza wkoll il-potenzjal tal-Konferenza CORLEAP, li l-prijoritajiet ta’ azzjoni ewlenin tagħha huma r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, id-deċentralizzazzjoni fiskali u l-kooperazzjoni territorjali, kwistjonijiet ta’ importanza partikolari għall-pajjiżi fi tranżizzjoni li għaddejjin mill-proċess li jibnu governanza sostenibbli, effettiva u kredibbli fil-livelli kollha;

28.

bi pjaċir jilqa’ l-importanza li ngħatat lill-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili (FSĊ), bħala element kruċjali tal-mekkaniżmi li ġew stabbiliti riċentement għall-pajjiżi tal-politika tal-viċinat;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta’ appoġġ kontinwu mill-UE għar-rwol u l-pożizzjoni tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-gvern lokali fil-pajjiżi msieħba bħala r-rappreżentanti kollettivi ta’ leħen l-awtoritajiet lokali. Permezz tal-istituzzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi fi tranżizzjoni jissaħħu d-demokrazija lokali u l-governanza f’diversi livelli;

30.

jappella għat-twaqqif ta’ punti ta’ kuntatt għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi msieħba, fejn hemm bżonn l-appoġġ bl-iktar mod urġenti;

31.

jinnota li ħafna korpi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej ilhom involuti għal ħafna snin fi proġetti ta’ kooperazzjoni deċentralizzata mal-kontrapartijiet tagħhom fil-pajjiżi msieħba. Sabiex tiġi ffaċilitata din il-kooperazzjoni u sabiex il-proġetti finanzjati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE jinġabru f’post wieħed u jiġu identifikati proġetti ġodda, il-Portal tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata għall-Iżvilupp ġie żviluppat b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni u ilu jopera minn Diċembru 2011;

32.

jinnota li l-ġemellaġġi u l-programmi TAIEX, li qed jintużaw b’mod mifrux mill-UE biex il-pajjiżi msieħba jsiru eqreb tagħha, huma eżempji tajbin ta’ prattika tajba u strumenti ffokati;

33.

jirrakkomanda li l-parteċipazzjoni fil-programmi TAIEX tiġi estiża għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi interessati. Li hu importanti hu li jiġu żviluppati l-ġemellaġġi u l-proġetti TAIEX bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi msieħba. Dan ser jiġi rifless fit-titjib tal-governanza fil-pajjiżi msieħba u sensibilizzazzjoni ikbar dwar l-importanza tal-istrutturi tal-governanza f’diversi livelli, kemm fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

34.

beħsiebu jappoġġja t-taħriġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi fi tranżizzjoni biex jissaħħaħ il-bini tal-kapaċità lokali. B’rabta ma’ din il-kwistjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni ser iniedi djalogu mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ u partijiet oħra interessati;

35.

ser iqis il-possibbiltà li l-pajjiżi fi tranżizzjoni jiġu involuti fi programmi simili għall-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali, li hija programm TAIEX disponibbli attwalment għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali bil-għan li jinxtered l-għarfien dwar l-UE u l-proċeduri tagħha;

Ir-rwol tal-kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali

36.

jenfasizza l-bżonn ta’ iktar sforzi biex il-gvern lokali jiġi involut kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba, bħala element tad-djalogu ma’ dawn il-pajjiżi;

37.

jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut ir-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba, fit-tfassil tal-politiki u l-istrateġiji li jappoġġjaw il-bidliet sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi appoġġjat kull tip ta’ skambju bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-pajjiżi msieħba: is-sħubijiet bejn il-bliet, il-kooperazzjoni teknika u l-bini tal-kapaċità. Il-pajjiżi fi tranżizzjoni għandu jkollhom aċċess għall-istrumenti tal-UE mmirati lejn il-bini ta’ sħubijiet sostenibbli bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

bħalma jagħmel fl-Opinjoni tiegħu CdR 198/2011 (4), jenfasizza l-importanza u l-valur speċifiku tal-kuntatti soċjali bejn l-awtoritajiet lokali tal-UE u tal-pajjiżi ġirien. Li hu importanti hu li jiġu involuti t-tielet settur u l-gruppi taċ-ċittadini biex tiġi komplementata l-kooperazzjoni formali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan jeħtieġ strumenti speċjali bħala element importanti tal-politika tal-viċinat;

40.

jenfasizza li, bis-saħħa tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tat-tkabbir u tal-politika tal-viċinat (pereżempju l-gruppi ta’ ħidma u l-kumitati konsultattivi konġunti, il-CORLEAP u l-ARLEM), il-Kumitat tar-Reġjuni qed jagħti sehmu b’mod attiv fl-appoġġ tal-UE għat-tibdil sostenibbli fis-soċjetajiet fi tranżizzjoni u qed jgħin jippromovi l-għanijiet tal-komunikazzjoni;

41.

jinnota li l-Kumitat qed jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea fit-tfassil ta’ atlas ta’ kooperazzjoni deċentralizzata u li qed jorganizza konferenza annwali dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2011 (CIVEX-V-023).

(2)  Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar “Is-sitwazzjoni fin-nofsinhar tal-Mediterran”. Ir-Riżoluzzjoni tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar “Il-ġestjoni tal-impatt u l-konsegwenzi tar-rivoluzzjonijiet fil-Mediterran”.

(3)  “Il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f’diversi livelli”, Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2009 (CONST-IV-020).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2011 (CIVEX-V-023).


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/27


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2012-2013”

2013/C 139/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li bil-politika tat-tkabbir tiġi evitata d-diviżjoni tal-kontinent u jingħata kontribut għall-unifikazzjoni paċifika. Mil-lat politiku, it-tkabbir tal-UE għen biex tinstab soluzzjoni għal problemi kbar u biex jiżdiedu d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiltà fl-UE. Mil-lat ekonomiku, il-proċess tat-tkabbir għen biex jiżdiedu l-prosperità u l-kompetittività, u b’hekk l-Unjoni setgħet twieġeb aħjar għall-isfidi tal-globalizzazzjoni;

jixtieq jistqarr b’mod ċar li proċess tat-tkabbir li jikseb suċċess huwa wieħed mill-iktar prijoritajiet ta’ politika importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni. Għall-Kumitat tar-Reġjuni, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir huwa fundamentali;

qed jipprova jgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati sabiex jippreparahom għar-responsabbiltajiet futuri tagħhom fl-UE, sabiex jiksbu r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom u joħolqu u jiżviluppaw kuntatti u kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE;

L-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati biex jiżguraw li s-setgħat delegati jirriflettu r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet deċentralizzati għandhom jingħataw ladarba l-acquis communautaire jiġi implimentat fil-livell lokali u reġjonali; fl-istess waqt, dawn ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ mezzi finanzjarji proporzjonati. Mingħajrhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jkollhomx is-setgħa biex jimplimentaw sew ir-riformi;

għalhekk jenfasizza li l-pajjiżi tat-tkabbir għandhom ikomplu jiżviluppaw il-mudelli ta’ governanza;

jenfasizza l-esperjenza pożittiva ħafna tal-programm Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL) li ġie kkoordinat mill-uffiċċju TAIEX fi ħdan DĠ Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea u li għen sabiex jiżdied il-fehim dwar dak li tirrappreżenta l-UE fil-livell reġjonali u lokali;

Relatur

Is-Sur VAN DEN BRANDE (BE/PPE), President tal-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni Fjandri-Ewropa

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013

COM(2012) 600 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-kuntest politiku u l-importanza tat-tkabbir għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-KtR

1.

jenfasizza li din l-Opinjoni għandha titqies fil-kuntest tal-impenn storiku tal-KtR fil-proċess tat-tkabbir. Hija ser tikkontribwixxi għat-tfassil tal-pożizzjoni politika tal-KtR dwar l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (il-Kroazja, il-Montenegro, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo (1)), it-Turkija u l-Islanda;

2.

jenfasizza li bil-politika tat-tkabbir tiġi evitata d-diviżjoni tal-kontinent u jingħata kontribut għall-unifikazzjoni paċifika. Mil-lat politiku, it-tkabbir tal-UE għen biex tinstab soluzzjoni għal problemi kbar u biex jiżdiedu d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiltà fl-UE. Mil-lat ekonomiku, il-proċess tat-tkabbir għen biex jiżdiedu l-prosperità u l-kompetittività, u b’hekk l-Unjoni setgħet twieġeb aħjar għall-isfidi tal-globalizzazzjoni;

3.

jenfasizza l-bżonn ta’ politika deċentralizzata tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar il-proċess tat-tkabbir, b’mod partikolari sabiex jissaħħaħ id-djalogu sew ċivili u sew politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kkonċernati;

4.

jixtieq jistqarr b’mod ċar li proċess tat-tkabbir li jikseb suċċess huwa wieħed mill-iktar prijoritajiet ta’ politika importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni. Għall-Kumitat tar-Reġjuni, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir huwa fundamentali;

5.

jissottolinja li l-prospetti tas-sħubija fl-Unjoni jġibu magħhom riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi kandidati u joħolqu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini f’dawn il-pajjiżi, li f’dan il-perjodu ta’ kriżi żgur huma ferm bżonjużi;

6.

jenfasizza li l-politika tat-tkabbir għandha tibqa’ kredibbli u appoġġjata mill-opinjoni pubblika kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiżi kandidati (potenzjali). Sabiex jinħolqu rabtiet dejjiema bejn iċ-ċittadini u l-UE huwa assolutament importanti li kemm iċ-ċittadini tal-pajjiżi tat-tkabbir kif ukoll dawk tal-Istati Membri attwali jiġu involuti fil-proċess. L-appoġġ għall-integrazzjoni Ewropea fil-pajjiżi tat-tkabbir huwa riżorsa ewlenija. L-istituzzjonijiet Ewropej m’għandhomx jassumu li dejjem ser ikun hemm dan l-appoġġ, iżda għandhom jipprovaw jużaw din ir-riżorsa biex itejbu l-leġittimità pubblika għall-UE b’mod ġenerali;

7.

huwa konxju li r-riformi politiċi u soċjali li qed isiru bħalissa fil-pajjiżi kandidati ma jistgħux jiġu introdotti bil-forza iżda bir-rispett tad-diversità u d-deċentralizzazzjoni ġenwina;

8.

qed jipprova jgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi kandidati sabiex jippreparahom għar-responsabbiltajiet futuri tagħhom fl-UE, sabiex jiksbu r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom u joħolqu u jiżviluppaw kuntatti u kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE;

9.

permezz tal-istrateġija tiegħu tar-relazzjonijiet esterni jixtieq jippromovi d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika u/jew kulturali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati, tal-pajjiżi kandidati potenzjali u dawk tal-UE. Fil-qafas tal-UE, il-KtR huwa forum utli u l-post fejn jiltaqgħu dawn l-atturi;

10.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea, fir-rapporti ta’ progress tagħha, ftit li xejn tagħti attenzjoni lir-riformi mmirati lejn il-ħolqien ta’ qafas legali ġdid għall-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ dawn il-pajjiżi. L-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati biex jiżguraw li s-setgħat delegati jirriflettu r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet deċentralizzati għandhom jingħataw ladarba l-acquis communautaire jiġi implimentat fil-livell lokali u reġjonali; fl-istess waqt, dawn ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ mezzi finanzjarji proporzjonati. Mingħajrhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jkollhomx is-setgħa biex jimplimentaw sew ir-riformi;

11.

huwa tal-fehma li s-suċċess tal-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li japplikaw il-korp eżistenti tal-liġi tal-UE fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni politika u amministrattiva (kif ukoll fuq il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati), filwaqt li niftakru li l-muniċipalitajiet u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ġestjoni tal-programmi u l-fondi. Għalhekk, ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali m’għandux jiġi limitat għall-implimentazzjoni tal-miżuri u d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell nazzjonali, lanqas għat-tixrid tal-informazzjoni dwar il-proċess tat-tkabbir fost iċ-ċittadini;

12.

jenfasizza li l-approċċ tal-governanza f’diversi livelli, ibbażat fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li jinkludi sħubija bejn il-livelli kollha ta’ gvern u s-sens ta’ appartenenza tagħhom huwa element ewlieni fl-integrazzjoni Ewropea u kull valutazzjoni tal-proċess tat-tkabbir dejjem għandu dejjem janalizza jekk il-proċess ikunx jippromovi l-governanza f’diversi livelli. Dan m’għandux japplika biss għall-politika ta’ koeżjoni u dik reġjonali tal-ġejjieni iżda wkoll għall-iżvilupp tas-suq intern, il-politiki tal-ġejjieni tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija, il-politika agrikola komuni u l-politika marittima l-ġodda, il-programm ta’ Stokkolma u l-politika tal-viċinat u anke fl-Istrateġija Ewropa 2020 u s-seba’ inizjattivi ewlenin tagħha fi sħubija permezz tal-patti territorjali;

Kummenti ġenerali

13.

jaqbel mal-enfasi iktar qawwija li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fl-istrateġija tat-tkabbir 2012-2013 fuq il-kriterji ta’ governanza tajba, bħall-istat tad-dritt, sistema legali indipendenti, amministrazzjoni effiċjenti tal-gvern, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, l-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili, mezzi tax-xandir liberi;

14.

jilqa’ l-analiżi fil-fond u komprensiva tal-Kummissjoni, iżda jixtieq li jsiru iktar rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif jistgħu jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-acquis;

15.

jenfasizza mill-ġdid kemm hu importanti r-rwol tar-rappreżentanti lokali u reġjonali fil-proċess tat-tkabbir u għalhekk iħeġġeġ lill-pajjiżi tat-tkabbir li jibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom favur id-deċentralizzazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni. Dan jiffaċilita l-politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni deċentralizzata kif ukoll id-djalogu ċivili u politiku bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tal-pajjiżi tat-tkabbir;

16.

għalhekk jenfasizza li l-pajjiżi tat-tkabbir għandhom ikomplu jiżviluppaw il-mudelli ta’ governanza tagħhom l-iktar billi jagħtu aktar responsabbiltajiet lill-awtoritajiet reġjonali u billi jippromovu s-sħubijiet ġenwini bejn il-livelli differenti ta’ governanza, kif ukoll bejn il-pajjiżi u r-reġjuni differenti;

17.

jemmen li hemm bżonn li tiġi żviluppata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet reġjonali u lokali fil-qasam finanzjarju u amministrattiv sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tal-assistenza tal-preadeżjoni u jkunu lesti jimplimentaw l-aquis communautaire b’mod sostenibbli;

18.

jiddispjaċih li minkejja r-rakkomandazzjonijiet ripetuti tiegħu, il-Kummissjoni għadha ma pprovdietx valutazzjoni sħiħa tal-istat tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli fir-rapport dwar it-tkabbir; huwa konxju li m’hemm l-ebda kapitolu fl-acquis li jindirizza d-deċentralizzazzjoni f’pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE, iżda jissuġġerixxi li jiġi żviluppat sett ta’ parametri f’dan ir-rigward, li jistgħu jipprovdu l-orjentazzjoni għall-pajjiżi li jkunu qed iwettqu riformi;

19.

jiddispjaċih ukoll li fil-proċess tat-tkabbir id-dimensjoni soċjali hija insuffiċjenti, u jappella lill-Kummissjoni biex apparti mir-riformi ekonomiċi tagħti attenzjoni wkoll lir-riformi soċjali meħtieġa fil-pajjiżi kandidati;

20.

jirrakkomanda mill-ġdid lill-Kummissjoni li fir-rapporti futuri tagħha dwar l-istrateġija tat-tkabbir tidħol f’iktar dettall dwar is-sitwazzjoni tal-governanza awtonoma reġjonali u lokali u bis-saħħa t’hekk tiġbed l-attenzjoni tal-pajjiżi tal-adeżjoni b’mod aktar ċar għall-bżonn ta’ riforma li twassal għar-reġjonalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni u tħeġġiġhom jistabbilixxu livelli ta’ gvern sottonazzjonali indipendenti;

21.

jenfasizza l-esperjenza pożittiva ħafna tal-programm Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL) li ġie kkoordinat mill-uffiċċju TAIEX fi ħdan DĠ Tkabbir tal-Kummissjoni Ewropea u li għen sabiex jiżdied il-fehim dwar dak li tirrappreżenta l-UE fil-livell reġjonali u lokali;

22.

jemmen bis-sħiħ fil-bżonn tar-rispett tal-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien fost l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra u r-rwol u l-importanza tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali bejn dawn il-pajjiżi;

23.

iqis li l-ħarsien tal-minoranzi u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, li jiffurmaw parti mill-valuri li huma l-bażi tal-Unjoni Ewropea, għandhom jibqgħu elementi essenzjali tal-proċess ta’ adeżjoni;

24.

f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u b’mod partikolari mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tiegħu, abbażi tat-testi rilevanti kollha bħall-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali;

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika speċifiċi għal kull pajjiżi

Il-Kroazja

25.

jilqa’ l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE, fl-1 ta’ Lulju 2013, skont it-Trattat tal-Adeżjoni;

26.

jilqa’ l-fatt li l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Diċembru 2011 saru f’ambjent pluralistiku u ġew amministrati b’mod effiċjenti u trasparenti, madankollu jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn titjib fir-rigward taż-żamma tal-lista tal-votanti fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali u l-elezzjoni tal-membri tal-Kroazja fil-Parlament Ewropew (skedati għar-Rebbiegħa 2013);

27.

ifakkar lill-Kroazja fl-impenn tagħha li tindirizza l-problemi bilaterali u reġjonali li fadal fi spirtu ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien u bl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali vinkolanti legalment, inkluż dak dwar il-kwistjonijiet tas-suċċessjoni;

28.

jenfasizza li l-kapaċità amministrattiva li hemm bżonn għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tirrikjedi iktar attenzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Hemm bżonn li jsiru iktar sforzi fir-rigward tar-rwol tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni futura tal-Fondi Strutturali;

29.

bi pjaċir jinnota l-progress li sar fir-rigward tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni iżda fl-istess ħin jinnota li qed jiġi kkontrollat wisq mill-gvern ċentrali;

30.

jitlob lill-Kummissjoni biex, anke wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE, tissokta bl-impenn tagħha li tissorvelja, tevalwa u tappoġġja l-iżviluppi fil-livell sottonazzjonali u l-progress li jsir fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni;

31.

jirrimarka li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-miżuri preventivi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livell lokali, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

32.

jiġbed l-attenzjoni li fadal għadd ta’ sfidi biex jonqsu l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u dawk reġjonali kif ukoll f’termini ta’ żvilupp rurali inklużiv;

L-Islanda

33.

japprezza l-istituzzjonijiet politiċi stabbli fl-Islanda u l-kwalità għolja tal-awtonomija lokali li hija stabbilita sew fit-tradizzjoni demokratika rikka tal-pajjiż. Id-demokrazija kompliet tissaħħaħ permezz tal-liġi l-ġdida ta’ Jannar 2012, fejn huwa previst li jiżdied id-djalogu fil-fond bejn il-gvern u l-muniċipalitajiet;

34.

jilqa’ l-adozzjoni ta’ bosta miżuri importanti li ttieħdu sabiex jissaħħu l-finanzi tal-gvern lokali fid-dawl tal-kriżi ekonomika tal-2008 iżda jiġbed l-attenzjoni li minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, il-kapaċità tat-tfassil u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għandha tittejjeb iktar fil-livell lokali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tal-finanzi mil-livell ċentrali għal dak lokali tirrikjedi wkoll koordinazzjoni iktar b’saħħitha;

35.

jilqa’ l-fatt li l-Kostituzzjoni l-ġdida ġiet soġġetta għal referendum konsultattiv fl-20 ta’ Ottubru 2012 u għaddiet b’żewġ terzi. Il-Kostituzzjoni tinkludi għall-ewwel darba sezzjoni dwar il-gvern lokali;

36.

jilqa’ bi pjaċir it-twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-KtR wara kooperazzjoni tajba mal-Assoċjazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali tal-Islanda u, barra minn hekk, jenfasizza li ser ikompli jagħti appoġġ lill-bini tal-kapaċità fil-livell lokali pereżempju fil-qafas tal-programm Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (FAL);

37.

jilqa’ b’sodisfazzjon li n-negozjati tas-sħubija tal-Islanda jiġu konklużi fi żmien debitu, u li r-riżultat jitressaq quddiem l-Islandiżi biex dawn jieħdu deċiżjoni bbażata fuq informazzjoni preċiża dwar il-pakkett finali tal-adeżjoni li jkun ġie maqbul bejn l-Islanda u l-UE;

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

38.

jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni tal-gvern, element prinċipali tal-Ftehim Qafas ta’ Ohrid, kif ukoll l-adozzjoni tal-programm għall-implimentazzjoni tad-deċentralizzazzjoni u l-awtonomija lokali għall-2011-2014, inkluż il-pjan ta’ azzjoni korrispondenti;

39.

huwa tal-fehma li jrid jitħaffef il-progress sabiex jitwettqu l-għanijiet tad-deċentralizzazzjoni, u li l-isfida prinċipali għadha s-solidità finanzjarja tal-muniċipalitajiet; għad li l-parti tal-VAT allokata lill-muniċipalitajiet ser tiżdied għal 4 %, dan mhuwiex biżżejjed biex il-kompiti delegati jitwettqu b’mod adegwat;

40.

jenfasizza li l-mekkaniżmi tal-indirizzar tad-disparitajiet sinifikanti fil-provvista tas-servizzi pubbliċi huma limitati u li l-muniċipalitajiet rurali u żgħar huma żvantaġġati b’mod partikolari;

41.

jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva u maniġerjali meħtieġa biex jiġi implimentat l-acquis tal-UE. Dan qiegħed jinħass, fost oħrajn, kemm fl-implimentazzjoni kif ukoll fl-infurzar tal-leġislazzjoni ambjentali fil-livell nazzjonali u lokali. Fil-qasam tal-ħarsien tal-ilma ftit li xejn sar progress;

42.

iqis li sar progress limitat fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali. Il-ġestjoni tal-programmi tal-IPA għandha tittejjeb sabiex jiġi żgurat assorbiment sħiħ u f’waqtu tal-fondi tal-UE;

43.

jisħaq fuq l-importanza li jinżammu relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien u li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-kwistjoni ta’ isem il-pajjiż;

44.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi, fil-livelli differenti ta’ governanza lokali, jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandhom bżonn jiġu msaħħa u jgawdu minn indipendenza akbar minn kull influwenza politika;

45.

jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-polarizzazzjoni politika u etnika fil-FYROM li tista’ ddgħajjef l-istabbiltà tal-pajjiż u l-momentum meħtieġ għar-riformi politiċi;

It-Turkija

46.

jiġbed l-attenzjoni li l-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-kostituzzjoni l-ġdida qajjem dibattitu tajjeb mas-soċjetà ċivili lokali u maċ-ċittadini lokali - u dan għandu jintlaqa’ tajjeb - però jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ trasparenza rigward il-kwistjoni ta’ kif dawn id-dibattiti ddaħħlu fil-proċess ta’ abbozzar u liema partijiet ġew ippubblikati fuq l-internet, ħaġa li għamlitha diffiċli ħafna għaċ-ċittadini Torok kif ukoll l-atturi internazzjonali (inkluż il-KtR) biex iżommu lilhom infushom aġġornati dwar l-iżviluppi;

47.

jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress fid-delegazzjoni tas-setgħat lill-provinċji u l-korpi tal-amministrazzjoni lokali u jinsab imħasseb dwar xi rapporti li l-gvernijiet lokali jew is-sindki li ġew eletti huma soġġetti għal intimidazzjoni jew prosekuzzjonijiet legali motivati politikament. Il-kunsilli tal-bliet (intiżi biex iħeġġu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-gvern lokali) fil-biċċa l-kbira tal-bliet ma ntużawx b’mod effettiv. Barra minn hekk, il-fatt li fl-2011 ġew introdotti digrieti biex jiċċentralizzaw mill-ġdid is-setgħat f’oqsma bħall-użu tal-art, l-ippjanar u t-tiġdid urban, juri li l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni mhux qed jiġi indirizzat b’mod serju. Filwaqt li l-gvern tat-Turkija għamel xi żmien jirriforma l-amministrazzjoni pubblika, dan ma sarx b’mod li minnu jibbenefikaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari fix-Xlokk tal-pajjiż;

48.

mhuwiex kuntent għan-nuqqas persistenti ta’ rispett sħiħ tal-impenji li jirriżultaw mill-protokoll addizzjonali għall-ftehim ta’ assoċjazzjoni UE-Turkija u jistieden lit-Turkija biex tipproċedi immedjatament għall-implimentazzjoni integrali u bla diskriminazzjoni ta’ dawn l-impenji, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni li kull dewmien ieħor jista’ jkollu riperkussjonijiet ġodda fuq il-proċess ta’ tkabbir;

49.

jilqa’ bi pjaċir il-bidla fl-attitudni murija mill-Kunsill tal-UE dwar il-possibbiltà li jinfetaħ il-kapitolu 22 tan-negozjati dwar “il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali” u jittama li dan is-sinjal pożittiv jissarraf fin-normalizzazzjoni tal-proċess tan-negozjati bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea;

50.

jinnota b’dispjaċir li fil-livelli kollha tal-gvern għad hemm nuqqasijiet konsiderevoli fir-rigward tar-rispett lejn il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-minoranzi – b’mod partikolari l-Kurdi – l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll id-drittijiet bażiċi tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa; għaldaqstant qed titnaqqas l-attenzjoni minn fuq il-leġislazzjonijiet orjentati lejn ir-riformi;

51.

iħeġġeġ id-djalogu li nfetaħ bejn il-Gvern Tork u r-rappreżentanti tal-Kurdi Torok;

52.

bi pjaċir jinnota l-implimentazzjoni tal-aġenda pożittiva b’konformità mal-Qafas ta’ Negozjar (Negotiating Framework) u l-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew;

53.

jinsab dissodisfatt dwar id-dewmien tal-impenn tat-Turkija u l-partijiet interessati l-oħra fil-kunflitt biex fil-qafas tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kif ukoll tal-prinċipji u l-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE, tinstab soluzzjoni għall-okkupazzjoni illegali minnha taż-żona ta’ Ċipru ta’ Fuq u jappella lill-Gvern Tork biex jappoġġja b’mod tanġibbli n-negozjati li jsiru taħt id-direzzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jaġixxi favur is-soluzzjoni globali tal-problema Ċiprijotta, billi jirtira minnufih il-forzi armati tiegħu minn Ċipru, jirregola l-kwistjoni tal-kolonji u jirritorna lill-abitanti leġittimi ż-żona projbita ta’ Famagusta, bl-applikazzjoni tar-Riżoluzzjoni 550 tal-1984, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

54.

iqis li minn naħa qed tiġi implimentata leġislazzjoni orjentata lejn ir-riforma, imma min-naħa l-oħra qed jinxteħet dell ikrah minħabba ċerti nuqqasijiet fl-oqsma tal-libertà tal-istampa u l-libertà ta’ espressjoni, fost affarijiet oħrajn;

55.

jilqa’ s-servizz li twaqqaf tal-Ombudsman fit-Turkija li għandu jiġi implimentat b’mod adegwat;

56.

jenfasizza li t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-mekkaniżmi parteċipattivi għandhom jissaħħu lkoll fil-livell lokali u jħeġġeġ il-ġlieda kontinwa kontra l-korruzzjoni b’mod partikolari fil-livell muniċipali;

57.

jixtieq jenfasizza li l-kooperazzjoni kontinwa fil-livell sottonazzjonali hija ta’ benefiċċju kemm għat-Turkija kif ukoll għall-UE. Għalhekk itenni l-impenn tiegħu biex il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni mat-Turkija jsir Kumitat Konsultattiv Konġunt;

Il-Montenegro

58.

jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-organizzazzjoni territorjali tal-Montenegro u l-emenda tal-liġi dwar il-governanza awtonoma lokali bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà fil-livell lokali;

59.

jiġbed l-attenzjoni li l-Montenegro jeħtieġ li jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fl-istrutturi eżistenti tal-IPA u jħejjihom b’mod adegwat sabiex iżidu l-kapaċità ta’ assorbiment tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni;

60.

iqis il-persunal mingħajr il-kwalifiki suffiċjenti bħala waħda mill-ikbar problemi fil-livell lokali, u minħabba f’hekk jista’ jkun li r-responsabbiltajiet, li jingħataw abbażi tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni, ma jkunux jistgħu jitwettqu;

61.

jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress fil-qasam tal-ħarsien soċjali, li l-assorbiment tar-rifuġjati, tal-persuni spustati f’pajjiżhom u tal-minoritajiet etniċi fil-bliet għadu problematiku u li l-progress fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni amministrattiva u fiskali tas-servizzi soċjali għadu limitat;

62.

jirrakkomanda sforzi iktar intensivi favur il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-oqsma vulnerabbli identifikati: il-governanza awtonoma lokali, il-ġestjoni tat-territorju, l-akkwist pubbliku, il-privatizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

63.

jilqa’ l-inawgurazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Montenegro fl-2012 u jispera li jkun hemm kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku mal-awtoritajiet sottonazzjonali tal-Montenegro fis-snin li ġejjin;

Is-Serbja

64.

bi pjaċir jinnota li l-Kostituzzjoni Serba tagħti liċ-ċittadini d-dritt għal awtonomija provinċjali u tiggarantixxi l-awtonomija lokali, imma fl-istess ħin jiddispjaċih li hemm distakk enormi bejn il-prinċipji stabbiliti fil-liġi u l-implimentazzjoni fil-prattika;

65.

jiddispjaċih li l-miżuri tal-gvern ċentrali (it-tnaqqis tal-kontributi lill-awtoritajiet lokali) qed jagħmluha iktar diffiċli biex l-awtoritajiet lokali jwettqu l-kompiti tagħhom;

66.

jenfasizza li l-leġislazzjoni dwar il-finanzjament tal-muniċipalitajiet għandha tkun iktar ċara u trid tiġi implimentata b’mod iktar adegwat biex tiġi żgurata l-previdibbiltà tal-fondi;

67.

jiddispjaċih li l-Kunsill Nazzjonali tad-Deċentralizzazzjoni għadu mhux attiv u ma kienx hemm biżżejjed konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatat mal-iżvilupp ta’ leġislazzjoni ġdida jew emendi fuq il-liġijiet li jeżistu li għandhom implikazzjonijiet fil-livell lokali;

68.

jiġbed l-attenzjoni li l-kapaċità amministrattiva u tal-ġestjoni fil-livell lokali hija dgħajfa u għad hemm disparitajiet kbar bejn il-muniċipalitajiet. Jiddispjaċih li l-liġi dwar l-impjegati taċ-ċivil ma tapplikax għall-impjegati tal-gvern lokali;

69.

jilqa’ l-progress fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali. Jagħraf il-fatt li s-Serbja wettqet l-istadji preparatorji kollha għall-ġestjoni deċentralizzata tal-IPA għal erba’ komponenti u jiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li tiġi żgurata kapaċità tal-implimentazzjoni adegwata, b’mod partikolari f’termini ta’ tħejjija ta’ proġett solidu bbażat fuq strateġiji rilevanti;

70.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol notevoli tas-soċjetà ċivili fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika tal-pajjiż, kif ukoll fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, u jenfasizza l-importanza li hija għandha wkoll fil-livell lokali u fil-qafas tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

L-Albanija

71.

bi pjaċir jinnota l-progress li sar mill-Albanija biex jintlaħqu l-kriterji politiċi għas-sħubija mal-UE; jinnota b’sodisfazzjon it-titjib tad-djalogu politiku bejn il-gvern u l-oppożizzjoni u jenfasizza l-importanza kbira li għandha tmexxija tajba tal-elezzjonijiet leġislattivi tal-2013 biex l-istituzzjonijiet bażiċi tad-demokrazija jaħdmu b’mod normali. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji għall-proċess tal-preadeżjoni, b’mod speċjali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-protezzjoni tal-minoranzi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ politika kostruttiva tal-migrazzjoni;

72.

jagħraf l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li ma sar l-ebda progress f’termini ta’ riforma amministrattiva territorjali. Il-liġi tal-2009 dwar il-ġestjoni tat-territorju qed tiġi implimentata bil-mod ħafna. Jidher li d-distakk bejn ir-reġjuni qed ikompli jikber fir-rigward tal-potenzjal tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Dan għandu jiġi indirizzat malajr kemm jista’ jkun;

73.

jinnota li l-awtoritajiet lokali ż-żgħar f’ħafna każijiet mhumiex vijabbli ekonomikament. It-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali mhuwiex trasparenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra mhux qed jiġu konsultati;

74.

jinnota li fir-rigward tal-finanzjament, b’mod partikolari l-ġbir tad-dħul mit-taxxa, l-awtoritajiet lokali esperjenzaw ftit titjib mill-2011 ’l hawn; barra minn hekk, jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġġestixxu d-dħul fiskali, biex jikkontrollaw is-sistemi operattivi u jikkontrollaw il-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA);

75.

jinsab kuntent bil-ħatra ta’ ombudsman u jitlob lill-Gvern Albaniż jalloka riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni;

76.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm sinjali inkoraġġanti li juru li d-diviżjonijiet politiċi fondi, li xekklu r-riforma politika għal numru ta’ snin, qed jonqsu; għaldaqstant iħeġġeġ liż-żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet sottonazzjonali (l-Assoċjazzjoni Albaniża tal-Muniċipalitajiet u l-Assoċjazzjoni Albaniża tal-Awtoritajiet Lokali) biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma rilevanti kollha u biex jevitaw li tkun mhedda r-rappreżentanza lokali u reġjonali tal-pajjiż;

77.

jenfasizza li filwaqt li jilqa’ l-progress modest li sar fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali, għad hemm ħafna xi jsir;

Il-Bosnja-Ħerzegovina

78.

jagħraf li l-Bosnja-Ħerzegovina għadu pajjiż b’sistema internazzjonali ta’ governanza u sigurtà li jfisser li attwalment la l-istituzzjonijiet interni ċentrali ma jistgħu jiddeterminaw b’mod sħiħ il-proċess politiku u leġislattiv u wisq inqas l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

79.

jiġbed l-attenzjoni li s-sitwazzjoni politika attwali tal-Bosnja-Ħerzegovina għandha impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-pajjiż li jitkellem b’vuċi waħda fuq il-kwistjonijiet tal-UE. Barra minn hekk, jinnota li minħabba l-imblokk politiku u istituzzjonali, fil-Bosnja-Ħerzegovina r-rabtiet bejn l-awtonomija lokali u l-awtonomija reġjonali ma jistgħux jimmaterjalizzaw, li jfisser li “t-tħaddim tal-gvern awtonomu lokali ntlaqat b’mod serju” u li dan “qed iżomm lura kull forma ta' deċentralizzazzjoni fil-pajjiż”. Minħabba l-frammentazzjoni dejjem ikbar tal-pajjiż u tal-muniċipalitajiet fuq bażi etnika, qed ikun hemm inqas fiduċja fl-amministrazzjoni lokali;

80.

jiddispjaċih li s-sistema kumplessa ta’ governanza u l-imblokk istituzzjonali jfissru li l-leġislazzjoni mhijiex standardizzata kif suppost fil-livell tal-entitajiet tal-Bosnja, u dan qed ikun ta’ xkiel għal kwistjonijiet partikolarment urġenti, bħall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

81.

jirrakkomanda mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn id-diversi livelli ta’ gvern għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni Ewropea biex il-pajjiż ikun jista’ jitkellem b’vuċi waħda dwar l-affarijiet Ewropej u biex ikun jista’ jagħmel użu effettiv mill-fondi tal-preadeżjoni;

82.

jagħraf li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jfaħħar il-leġislazzjoni dwar l-entità għaliex tikkonforma fil-biċċa l-kbira mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u dan għandu jitqies b’mod pożittiv. Madankollu, il-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma ffirmatx il-Protokoll Addizzjonali tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali dwar id-dritt taċ-ċittadini li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali;

83.

jappoġġja d-deċentralizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, iżda jiddispjaċih li ftit sar progress fil-qasam tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fejn attwalment il-problema tidher li hija l-koordinazzjoni dgħajfa bejn id-diversi livelli ta’ amministrazzjoni u n-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku għar-riformi;

84.

jilqa’ bi pjaċir kull inizjattiva favur il-ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u speċjalment l-adozzjoni tal-emenda għall-Kostituzzjoni tal-Kanton ta’ Sarajevo b’konformità mas-sentenza tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali dwar il-każ Sejdić-Finci, li tat lill-minoranzi etniċi u dawk mhux iddikjarati l-possibbiltà li jiffurmaw kumitat (caucus) indipendenti fl-Assemblea u jħeġġeġ lil-livelli kollha ta’ awtorità fil-Bosnja-Ħerzegovina biex jadottaw emendi simili;

85.

jinsab kuntent li l-elezzjonijiet lokali ta’ Ottubru 2012 tħejjew tajjeb u tmexxew b’mod ordnat u b’konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u l-komunità internazzjonali għall-elezzjonijiet demokratiċi anki jekk l-amministrazzjoni elettorali fil-livell lokali hija ferm politiċizzata;

86.

jinnota b’sodisfazzjon li l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili għadu appoġġjat mill-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, l-organizzazzjoni tal-UE li twaqqfet fl-2008 sabiex tappoġġja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), permezz tal-proġett intitolat “It-tisħiħ tad-demokrazija lokali”;

Il-Kosovo

87.

jilqa’ l-progress konsiderevoli li sar matul dawn l-aħħar snin fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni u japprezza l-isforzi li saru mill-Ministeru tal-Amministrazzjoni tal-Gvern Lokali sabiex jiżgura monitoraġġ iktar effiċjenti tal-istrutturi tal-gvern lokali iżda jħoss li l-isforzi għall-implimentazzjoni tad-deċentralizzazzjoni bħat-tisħiħ tal-amministrazzjoni fil-livell muniċipali għandhom jiżdiedu;

88.

bi pjaċir jinnota li l-Kosovo għandu sistema avvanzata ta’ gvern lokali, li tagħti liċ-ċittadini l-possibbiltà li jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet lokali; dan huwa rifless fil-fatt li li ċ-ċittadini fil-Kosovo huma kuntenti ferm bl-awtoritajiet lokali tagħhom u bil-mod kif iwettqu l-kompiti tagħhom;

89.

jitlob li l-Kosovo juri b’mod ċar li qed jaħdem ħafna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-kriminalità organizzata;

90.

jirrakkomanda l-użu fil-livell lokali ta’ proċessi ta’ ppjanar ibbażati fuq l-evidenza fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet amministrattivi u proċessi baġitarji. L-awtoritajiet muniċipali għandhom bżonn gwidi magħmula speċifikament għalihom sabiex jiżviluppaw il-kapaċità amministrattiva tagħhom;

91.

jagħraf li l-muniċipalitajiet il-ġodda b’maġġoranza Serba jiffaċċjaw sfidi speċifiċi minħabba ċ-ċokon tagħhom u jirrikjedu iktar għajnuna mil-livell ċentrali sabiex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin;

92.

jitlob lill-partijiet involuti kollha sabiex isibu soluzzjonijiet kostruttivi għall-isfidi speċjali li qed jiffaċċja l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo sabiex in-nies jingħataw servizzi ta’ kwalità;

93.

jenfasizza li skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Kosovo għandu jirrispetta u jimplimenta l-prinċipju demokratiku tal-governanza tajba permezz ta’ tħaddim adegwat u iktar effettiv tal-korpi ta’ implimentazzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Din ir-referenza hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus tal-Kosovo, u hija konformi mar-Riżoluzzjoni 1244/99 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/35


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa”

2013/C 139/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing u japprezza li l-Kummissjoni hija favur soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi; jaqbel li l-possibbiltajiet tal-cloud computing imorru lil hinn mill-progress teknoloġiku tal-informatika peress li dawn għandhom effett pożittiv fuq is-suq tax-xogħol, jistgħu jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll joħolqu l-impjiegi;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-akbar ostakli għall-użu tal-cloud computing fis-settur pubbliku u dak privat huwa l-inċertezza dwar x’regoli u regolamenti għandhom jiġu kkunsidrati jekk tingħażel is-soluzzjoni ta’ cloud computing. Hawnhekk wieħed jista’ jsemmi l-liġi Ewropea u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-leġislazzjoni soċjali u dwar is-saħħa u r-regoli tal-kontabbiltà. Hemm ukoll għadd ta’ problemi u riskji b’rabta mal-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu indirizzati;

huwa favur it-tliet azzjonijiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni iżda jqis li dawn għandhom bżonn jiġu kkompletati minn miżuri konkreti li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-għarfien tal-utenti għax dan jippermetti li tiżdied id-domanda fis-suq u b’hekk jgħin tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-kompetizzjoni dinjija, li titnaqqas l-asimmetrija bejn il-konsumaturi u l-provvedituri tas-servizzi fil-livell tar-riskji u jiġi promoss tqassim aktar proporzjonat bejniethom minħabba l-vantaġġi marbutin mal-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija l-ġdida. Dawn il-miżuri konkreti għandhom jiffukaw ukoll fuq il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-kultura tal-IT;

iqis opportun li l-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex il-clouds li jeżistu diġà jew li qegħdin jiġu żviluppati jkunu interkonnessi u interoperabbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u eventwalment lokali, billi jiġu sfruttati l-possibbiltajiet tal-istandardizzazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-kompatibbiltà tar-reġistri amministrattivi li diġà ssemmew.

Relatur

Gábor BIHARY (HU/PSE), Membru tal-Kunsill Ġenerali ta’ Budapest

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

COM(2012) 529 final

I.   OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing u japprezza li l-Kummissjoni hija favur soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi; jaqbel li l-possibbiltajiet tal-cloud computing imorru lil hinn mill-progress teknoloġiku tal-informatika peress li dawn għandhom effett pożittiv fuq is-suq tax-xogħol, jistgħu jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll joħolqu l-impjiegi;

2.

jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jitqiesu l-effetti li l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija l-ġdida jista’ jkollu għar-reġjuni u l-gruppi soċjali żvantaġġati, u b’hekk, l-effetti possibbli negattivi tagħha fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali. Fattur ta’ riskju bħal dan jista’ jkun, pereżempju, l-asimmetrija bejn l-atturi lokali u globali fir-rigward tal-vantaġġi marbutin ma’ aċċess aħjar għas-swieq;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-akbar ostakli għall-użu tal-cloud computing fis-settur pubbliku u dak privat huwa l-inċertezza dwar x’regoli u regolamenti għandhom jiġu kkunsidrati jekk tingħażel is-soluzzjoni ta’ cloud computing. Hawnhekk wieħed jista’ jsemmi l-liġi Ewropea u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-leġislazzjoni soċjali u dwar is-saħħa u r-regoli tal-kontabbiltà. Hemm ukoll għadd ta’ problemi u riskji b’rabta mal-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu indirizzati;

4.

jiddispjaċih li l-approċċi relatati mas-settur pubbliku u l-proġett ta’ sħubija propost favur il-cloud computing ma jqisux biżżejjed l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minkejja li ħafna mill-attivitajiet tagħhom jistgħu jipprovdu lezzjonijiet utli u eżempji tal-aħjar prattika fil-qafas tal-istrateġija. Lanqas ma jitqies il-fatt li ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu, bħala provvedituri tas-servizzi, għall-ħolqien u għat-tħaddim tal-infrasruttura tal-cloud computing;

5.

jenfasizza li, sabiex l-Ewropa tavvanza b’mod sinifikanti fil-cloud computing, huwa kruċjali li tittieħed azzjoni koordinata li tinvolvi l-livelli kollha tal-governanza;

6.

jinnota li sabiex l-intrapriżi Ewropej ikunu kapaċi jaqdu r-rwol li ngħatalhom mill-istrateġija li għandha l-għan li l-Ewropa ssir xprun, huwa indispensabbli li jitfasslu forom ta’ appoġġ fil-kuntest tal-kompetizzjoni dinjija;

7.

iqis importanti li l-aspett tas-sostenibbiltà jiġi inkorporat fl-implimentazzjoni tal-cloud computing, hekk kif użu aħjar tal-kapaċitajiet tal-għodod tal-IT jippermettu użu aktar effettiv tar-riżorsi; madankollu jqis li l-istrateġija għandha bżonn tiffoka fuq l-effetti indiretti f’dan il-qasam kif ukoll pereżempju fuq iż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fl-enerġija ddestinata għas-sistemi tal-cloud computing;

8.

josserva li għad hemm ħafna xi jsir bejn l-eżistenza tal-prinċipju ta’ “supercloud” u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni b’tali mod li jisfruttaw il-potenzjal kollu, u li għodda importanti sabiex jintlaħaq dan huwa t-titjib tal-għarfien tal-konsumaturi permezz tat-tagħlim u tal-iżvilupp tal-kultura tal-IT;

9.

huwa mħasseb mill-fatt li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax biżżejjed ir-rabta bejn l-istrateġija proposta u kwistjonijiet oħra bħas-sigurtà effettiva tad-data, il-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u l-iżvilupp tal-aċċessibilità u l-portabbiltà tad-data;

10.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-cloud computing jista’ jieħu spinta ġaladarba jkunu ttieħdu l-miżuri neċessarji għall-aġenda diġitali. Għalkemm il-konsumaturi diġà qegħdin jużaw is-servizzi offruti mill-cloud computing, proposti mill-provvedituri bħala parti minn pakketti mitluba mill-utenti finali, l-esperjenza wriet ukoll li dawk li jużaw din it-teknoloġija bla attenzjoni u mingħajr l-għarfien adegwat jistgħu jħallsu qares għaliha, preċiżament minħabba li d-data ma tkunx protetta tajjeb u li l-utenti ma jkollhomx biżżejjed għarfien;

11.

huwa favur it-tliet azzjonijiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni iżda jqis li dawn għandhom bżonn jiġu kkompletati minn miżuri konkreti li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-għarfien tal-utenti għax dan jippermetti li tiżdied id-domanda fis-suq u b’hekk jgħin tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-kompetizzjoni dinjija, li titnaqqas l-asimmetrija bejn il-konsumaturi u l-provvedituri tas-servizzi fil-livell tar-riskji u jiġi promoss tqassim aktar proporzjonat bejniethom minħabba l-vantaġġi marbutin mal-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija l-ġdida. Dawn il-miżuri konkreti għandhom jiffukaw ukoll fuq il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-kultura tal-IT;

II.   OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI U PROPOSTI

Jinġieb l-ordni fil-konfużjoni tal-istandards

12.

japprova l-proposta tal-Kummissjoni relatata mal-proċess ta’ standardizzazzjoni, waqt li jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tibbażax ruħha fuq qafas regolatorju u organizzattiv adegwat;

13.

iqis importanti li jitlesta l-proċess ta’ standardizzazzjoni propost permezz ta’ miżuri konkreti li għandhom l-għan li jippermettu l-identifikazzjoni fil-cloud, pereżempju fir-rigward tal-konnessjoni bejn ir-reġistri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

14.

jinsab imħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni ma tqisx tajjeb is-servizzi eżistenti fis-settur pubbliku u fis-suq u l-istrutturi u l-infrastrutturi ta’ servizzi li dawn ippermettew;

15.

ifakkar li waħda mill-kawżi tan-nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tal-cloud computing hija n-nuqqas ta’ regolamentazzjoni dwar il-portabbiltà tad-data, bil-problemi ta’ funzjonament li jirriżultaw minn dan;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi definit b’mod aktar konkret, fir-rigward tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, min ser jawtorizza lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni u kif, u biex jiġi deċiż jekk ir-regoli ta’ ċertifikazzjoni hux ser jitfasslu mill-Istati Membri jew mill-Unjoni;

Termini u kundizzjonijiet kuntrattwali siguri u ġusti

17.

iqis importanti li l-Kummissjoni tixtieq tirregola l-kuntratti bejn il-provvedituri tas-servizz u l-utenti, b’attenzjoni partikolari fuq l-istabbiliment tal-limiti għall-provvedituri tas-servizzi minħabba l-potenzjal li tiġi abbużata l-pożizzjoni dominanti;

18.

jinnota li għalkemm l-utenti jkunu favur l-applikazzjonijiet ibbażati fuq proċedura unika għall-ftuħ ta’ sessjoni minħabba li tkun faċli biex tintuża, dawn ir-rekwiżiti m’għandhomx jiġu ssodisfati għad-detriment tas-sigurtà, speċjalment fil-każ tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Huwa indispensabbli li dawn il-kwistjonijiet jiġu rregolamentati fil-futur qrib;

19.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li parti kbira mill-perikli taċ-ċiberspazju tista’ tiġi eliminata permezz ta’ sistema ta’ identifikazzjoni effettiva li tippermetti lill-utenti jistabbilixxu b’mod ċar l-identità tal-awturi taċ-ċiberspazju;

20.

jenfasizza li, minkejja li l-cloud diġà joffri possibbiltajiet eċċellenti għat-tixrid tal-kultura awdjoviżiva, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-ikkupjar tal-kontenut tibqa’ madankollu mhux solvuta;

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-definizzjoni tad-direttivi komuni dwar il-protezzjoni tad-data, peress li din hija kwistjoni fundamentali għall-użu tal-cloud computing. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tindirizzax it-temi tal-ħlas u tal-fattura onlajn, li madankollu huma kwistjonijiet li ser jinqalgħu bla dubju meta l-cloud computing jintuża għal skopijiet kummerċjali;

22.

iqis neċessarju li jkun hemm aktar dettall dwar ix-xenarji li jippermettu li jiġu evalwati s-servizzi aċċessibbli permezz tal-cloud computing u li din l-evalwazzjoni tiġi integrata fil-kuntratti ta’ servizz;

Sħubija Ewropea tal-Cloud, djalogu internazzjonali

23.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea ta’ sħubija Ewropea tal-cloud computing;

24.

jappoġġja d-djalogu internazzjonali dwar is-servizzi bbażati fuq il-cloud computing u jqis importanti li jiġi enfasizzat li, waqt li jitqies l-iżvilupp dinamiku ta’ dan is-settur, hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni globali, kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat teknoloġiku, tal-istrateġiji żviluppati jew li qegħdin jiġu żviluppati;

25.

iwissi kontra r-riskji għall-protezzjoni tad-data personali meta s-servers tal-cloud computing ikunu jinsabu barra mill-UE;

26.

iqis opportun li l-Kummissjoni tieħu miżuri sabiex il-clouds li jeżistu diġà jew li qegħdin jiġu żviluppati jkunu interkonnessi u interoperabbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u eventwalment lokali, billi jiġu sfruttati l-possibbiltajiet tal-istandardizzazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-kompatibbiltà tar-reġistri amministrattivi li diġà ssemmew;

27.

iqis importanti li jkun hemm djalogu mal-korpi tal-istandardizzazzjoni (pereżempju l-ISO, l-ETSI), li huma kkonċernati wkoll mill-cloud computing;

Żvilupp tal-għarfien tal-utenti

28.

jinsab ferħan bl-importanza li l-Kummissjoni tagħti għall-addattar tas-servizzi pubbliċi għall-istennijiet tas-seklu 21 iżda madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jittieħdu kemm jista’ jkun malajr il-miżuri neċessarji sabiex jiġu indirizzati d-distakk diġitali;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-distakk diġitali ma jistax jitnaqqas ħlief permezz ta’ tagħlim immirat. Fil-fatt, f’soċjetà tal-għarfien, il-ħakma tat-teknoloġija tikkostitwixxi l-bażi tal-għarfien u tat-tixrid tat-teknoloġiji l-ġodda;

30.

jaħseb li huwa neċessarju li ċ-ċittadini Ewropej tas-seklu 21 ikunu kapaċi jieħdu r-riedni tat-teknoloġiji għad-dispożizzjoni tagħhom f’idejhom u jużawhom b’mod effikaċi. Mod tajjeb kif dan iseħħ ikun pereżempju li jiġu żviluppati aktar il-possibbiltajiet offruti mill-ECDL;

31.

jenfasizza li l-cloud computing attwalment diġà joffri l-possibbiltajiet tekniċi sabiex it-tagħlim onlajn ikun mifrux aktar. Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tar-regolamentazzjoni u tad-drittijiet tal-awtur sabiex jiġi żgurat il-progress f’dan il-qasam;

III.   KUMMENTI U PROPOSTI OĦRA

32.

iqis li l-Kummissjoni għandha tappoġġja lis-settur pubbliku fir-rigward tad-definizzjoni tal-prinċipji tal-akkwist pubbliku, iżda jqis importanti li, fir-reġjuni li għadhom qegħdin jiżviluppaw, din l-għajnuna m’għandhiex tkun limitata għall-fażi ta’ żvilupp iżda għandha tinkludi l-finanzjament neċessarju għall-użu;

33.

jenfasizza li huwa impossibbli li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-cloud computing mingħajr ma fl-istess ħin jiġi żviluppat is-suq uniku fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni, u dan jeħtieġ miżuri Ewropej fil-qasam tat-tariffi għas-servizzi tal-iskambju tad-data tar-roaming;

34.

iqis li huwa indispensabbli li jiġu spjegati fid-dettall is-servizzi amministrattivi li għandhom assolutament jiddaħħlu fil-cloud computing Ewropew, pereżempju fil-qasam tal-identifikazzjoni.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/39


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Id-deċentralizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-lok tal-awtonomija lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE”

2013/C 139/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

b’deċentralizzazzjoni jifhem kull miżura politika li ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-proċess nazzjonali u Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u li tittrasferixxi l-kompetenzi mil-livell tal-gvern ċentrali għall-istituzzjonijiet lokali u reġjonali;

huwa konvint li l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali funzjonali u d-deċentralizzazzjoni effettiva għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-governanza f’diversi livelli;

huwa konvint li s-sussidjarjetà bħala prinċipju politiku u legali tixpruna d-deċentralizzazzjoni, għaliex permezz tagħha l-kompetenzi jingħataw lil-livell fejn jiġu applikati bl-aktar mod effiċjenti;

josserva li l-kriżi ekonomika u finanzjarja tat spinta lir-riformi u t-tibdil: f’xi pajjiżi l-awtoritajiet lokali għaddew minn proċess ta’ ristrutturar territorjali u nbidlet ukoll b’mod konsiderevoli l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-poteri;

jiġbed l-attenzjoni li proċess koerenti ta’ deċentralizzazzjoni jista’ jirnexxi biss jekk it-trasferiment tal-kompetenzi lejn l-awtoritajiet sottonazzjonali jkun marbut ma’ allokazzjoni korrispondenti tar-riżorsi finanzarji;

billi r-reġjuni ffinanzjati l-aktar mir-riżorsi proprji jużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli b’mod aktar responsabbli u għalhekk għandhom baġit pubbliku aktar sod, jirrakkomanda li l-Istati Membri jibbażaw aktar fuq ir-riżorsi finanzjarji proprji milli fuq is-sistemi tat-trasferimenti;

jenfasizza r-relazzjoni pożittiva bejn id-deċentralizzazzjoni minn naħa u s-suċċess u s-sostenibbiltà tal-politika reġjonali Ewropea min-naħa l-oħra;

jisħaq li d-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa għandhom jinkludu l-livell reġjonali u lokali, għaliex il-leġittimità tal-Unjoni Ewropea tissejjes fuq, fost affarijiet oħrajn, il-leġittimità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

jirrakkomanda li l-livelli kollha ta’ gvern jaħdmu flimkien sabiex il-kriżi tad-dejn sovran fl-Ewropa tingħeleb darba għal dejjem, u jitlob li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti b’mod ugwali fit-tfassil tal-pjani ta’ riforma fuq livell Ewropew u nazzjonali.

Relatur

Prof. SCHAUSBERGER (AT/PPE), Rappreżentant tal-Land ta’ Salzburg fil-Kumitat tar-Reġjuni

Dokument ta’ referenza

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-vantaġġi tad-deċentralizzazzjoni

1.

b’deċentralizzazzjoni jifhem kull miżura politika li ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-proċess nazzjonali u Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u li tittrasferixxi l-kompetenzi mil-livell tal-gvern ċentrali għall-istituzzjonijiet lokali u reġjonali;

2.

jagħraf li m’hemm l-ebda obbligu għall-Istati Membri tal-UE biex fl-istruttura istituzzjonali tagħhom isegwu mudell partikolari għad-deċentralizzazzjoni, it-trasferiment jew id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-mudelli differenti ta’ governanza, iżda fl-istess ħin jisħaq li l-UE tirrispetta wkoll l-awtonomija reġjonali jew lokali, kif inhu enfasizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-UE;

3.

jinnota li f’bosta oqsma ta’ politika huwa ħafna aktar effiċjenti li jkun hemm livell eżekuttiv deċentralizzat, kemm f’termini ta’ spejjeż kif ukoll b’rabta mal-kwalità tas-servizzi u l-viċinanza tagħhom lejn iċ-ċittadini;

4.

jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini Ewropej jidentifikaw ruħhom mar-reġjuni u l-bliet tagħhom li jaqdu rwol deċiżiv ta’ kontrabilanċ għaż-żieda kostanti fl-internalizzazzjoni u b’hekk fl-anonimità tas-swieq tax-xogħol u tar-relazzjonijiet ekonomiċi;

5.

huwa konvint li d-deċentralizzazzjoni u l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali li ġġib magħha jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex ikunu jistgħu jitneħħew id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali li jeżistu bħalissa bejn ir-reġjuni Ewropej u, b’hekk, biex jonqsu l-konsegwenzi tal-migrazzjoni mir-reġjuni foqra lejn l-agglomerazzjonijiet urbani u tal-emigrazzjoni minn Stat Membru għal ieħor li qed iddgħajjef is-suq tax-xogħol;

6.

jirringrazzja lill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll lid-diversi gruppi ta’ interess li taw kontribut fil-konsultazzjoni għall-opinjonijiet esperti u l-kontributi siewja tagħhom;

Ir-responsabbiltà fundamentali tal-KtR fil-monitoraġġ tad-deċentralizzazzjoni

7.

itenni li hu, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet sottonazzjonali (jiġifieri lokali u reġjonali) fil-proċess leġislattiv u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, għandu r-responsabbiltà li jissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandu wkoll interess qawwi li jeżamina s-sitwazzjoni tad-deċentralizzazzjoni fl-UE u fil-pajjiżi kandidati;

8.

jinnota li fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar l-iżvilupp ta’ kultura Ewropea ta’ governanza f’diversi livelli ppreparata bħala segwitu tal-White Paper tiegħu, hu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jsegwi b’attenzjoni l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati;

9.

jinnota li dan huwa kkonfermat permezz tal-ħidma sistematika u dettaljata dwar l-istess suġġett tal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) u tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, u beħsiebu juża r-riżultati miksubin miż-żewġ organizzazzjonijiet fil-ħidma tiegħu;

10.

ifakkar li l-aħħar opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar dan is-suġġett tmur lura għas-7 ta’ Lulju 2005, u sadanittant saru żviluppi u bidliet istituzzjonali, politiċi u legali importanti b’rabta mad-deċentralizzazzjoni fl-UE;

L-iżvilupp tad-deċentralizzazzjoni fl-Ewropa wara l-aħħar opinjoni tal-2005

11.

josserva li t-Trattat ta’ Lisbona tal-2009 saħħaħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, inkluda l-identità tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet fit-Trattat u saħħaħ lill-KtR, u għaldaqstant ħeġġeġ lil diversi Stati Membri jwettqu jew jippjanaw riformi istituzzjonali biex iżidu d-deċentralizzazzjoni jew isaħħu l-livell lokali u reġjonali;

12.

jinnota, għalhekk, li b’mod ġenerali fl-aħħar snin id-deċentralizzazzjoni żdiedet fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu huwa mħasseb ħafna dwar it-tendenzi fid-direzzjoni opposta f’xi Stati Membri fejn l-awtonomija finanzjarja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew id-dritt għall-awtonomija amministrattiva fil-livell lokali qed jonqos b’mod konsiderevoli;

13.

però josserva wkoll li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li faqqgħet fl-2009 kif ukoll il-kriżi tad-dejn sovran li bdiet fl-2010 ħallew impatt negattiv fuq il-proċess tat-tisħiħ tad-deċentralizzazzjoni, u li r-relazzjoni bejn l-Istati nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej inbidlet, ħaġa li laqtet ukoll lil-livell sottonazzjonali;

14.

f’dan il-kuntest, jinnota b’sodisfazzjon li permezz tal-inizjattiva tal-KtR, fost fatturi oħra, il-kunċett tal-governanza f’diversi livelli sab postu fid-dibattitu politiku Ewropew, u dan jista’ jaħdem kontra t-tendenzi negattivi li jista’ jkun hemm fir-rigward tad-deċentralizzazzjoni;

15.

ikollu jinnota li l-proċess ta’ trasformazzjoni b’rabta mad-deċentralizzazzjoni f’xi wħud mill-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE mill-2004 ’l hawn għadu ma tlestiex għalkollox, u għalhekk huwa konxju li wħud minn dawn il-pajjiżi kif ukoll il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant qed jiffaċċjaw sfidi konsiderevoli sabiex iwettqu żvilupp soċjali u ekonomiku li jwassal għall-prosperità;

16.

jisħaq li l-aħħar proċessi ta’ tkabbir urew li n-nuqqas ta’ involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta’ integrazzjoni joħloq problemi u sfidi konsiderevoli sew għall-gvernijiet nazzjonali u sew għall-istituzzjonijiet Ewropej b’rabta mal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u mat-twettiq tar-riformi meħtieġa, li fl-aħħar mill-aħħar jolqtu wkoll liċ-ċittadini;

17.

josserva b’sodisfazzjon li wara li fl-1985 il-Kunsill tal-Ewropa adotta l-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, il-maġġoranza vasta tal-membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw din il-Karta. Dan għandu jassigura u jsaħħaħ l-awtonomija lokali fl-Ewropa fuq il-bażi tal-prinċipji tad-demokrazija, il-viċinanza lejn iċ-ċittadini u d-deċentralizzazzjoni;

18.

jilqa’ u jappoġġja l-inizjattiva tal-Kunsill tal-Ewropa rigward Karta Ewropea dwar id-Demokrazija Reġjonali u l-abbozz ta’ din il-Karta mressaq fil-Kungress tal-2008 bil-għan li jiġu ppreżentati l-aktar prinċipji importanti tad-demokrazija reġjonali fl-Ewropa; jiddispjaċih għall-fatt li din l-inizjattiva ġiet imblukkata minn għadd ta’ membri tal-Kunsill tal-Ewropa, iżda japprezza li għall-inqas il-ministri responsabbli għall-amministrazzjoni lokali u reġjonali ftiehmu dwar Qafas ta’ Referenza għad-Demokrazija Reġjonali fl-2009;

Id-deċentralizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja

19.

josserva b’attenzjoni kbira li minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, id-dibattitu pubbliku qed jiffoka aktar fuq id-diviżjoni tal-kompetenzi u b’mod partikolari fuq il-kwistjoni tad-deċentralizzazzjoni fiskali fil-livell nazzjonali u Ewropew; ħafna drabi jitqies b’mod żbaljat li l-imġiba tal-livelli sottonazzjonali hija wieħed mill-fatturi li jxekklu lil-livell ċentrali milli jilħaq il-miri baġitarji minkejja li r-responsabbiltà ewlenija għall-kriżi kienet tal-Istati nazzjonali;

20.

jinnota bi tħassib li l-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2009 nfirxet u saret kriżi tad-dejn sovran; dan jhedded bil-kbir l-ekonomija reali fir-reġjuni u l-bliet u jaffettwa b’mod negattiv ukoll in-nisġa soċjali fl-Istati Membri;

21.

jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-awtonomija reġjonali u lokali f’xi pajjiżi Ewropej minħabba r-riformi li qed jitwettqu sabiex il-gvern lokali jkun iktar razzjonali u sostenibbli. F’ħafna mill-Istati Membri l-kriterji ekonomiċi li jiddominaw fil-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali għawġu l-pedamenti demokratiċi tal-awtonomija reġjonali u lokali b’mod li għamlulha ħsara profonda;

22.

huwa deċiżament kontra li l-kriżi ekonomika u dik tad-dejn u l-miżuri ta’ awsterità meħtieġa fl-Ewropa kollha jservu bħala skuża f’ċerti Stati Membri biex jiġu ċentralizzati aktar kompetenzi, biex ikun hemm deċentralizzazzjoni mingħajr ir-riżorsi finanzjarji adegwati jew biex jiġu ssemplifikati, jitnaqqsu jew saħansitra jitneħħew l-istrutturi sottonazzjonali, ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar twassal biex iddgħajjef id-demokrazija reġjonali u lokali; din hi tendenza bbażata fuq l-idea żbaljata li s-servizzi pubbliċi jkunu aktar kosteffettivi jekk jiġu ttrasferiti f’idejn il-livell ċentrali;

23.

jargumenta li l-awtoritajiet lokali, bħala istituzzjonijiet fil-livell lokali, huma konxji tal-bżonnijiet tan-nies u jinsabu fl-aħjar qagħda biex jiddefinixxuhom u jirreaġixxu għalihom fi żminijiet ta’ kriżi;

24.

jirrifjuta b’mod deċiżiv dan it-tip ta’ politika għaliex din tmur kontra l-prinċipju Ewropew tas-sussidjarjetà, li jgħid li d-deċiżjonijiet politiċi u regolatorji għandhom jittieħdu fl-aktar livell adatt biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin;

25.

jara żviluppi simili anke fil-pajjiżi li qed jippreparaw għall-adeżjoni mal-UE u f’pajjiżi li jinsabu fil-viċinat Ewropew;

26.

ikollu jinnota li l-argumenti ekonomiċi relatati mal-kriżi finanzjarja u dik tad-dejn sikwit qed jintużaw, mingħajr ma jkunu dejjem ibbażati fuq studji u analiżijiet adegwati, biex l-amalgamazzjoni tal-muniċipalitajiet tiġi ppreżentata bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż; madankollu jagħraf ukoll li f’xi reġjuni l-amalgamazzjoni tal-muniċipalitajiet tista’ tkun strateġija utli, pereżempju minħabba t-tibdil demografiku;

27.

jisħaq li hawnhekk wieħed m’għandux jinsa li dan jista’ jnaqqas il-viċinanza lejn iċ-ċittadini u d-demokrazija lokali, u li għandha tingħata prijorità lill-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali u bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. It-tneħħija tal-muniċipalitajiet permezz tal-amalgamazzjoni għandha titqies b’kawtela kbira – din tista’ tkun strateġija utli, pereżempju, fir-reġjuni minħabba t-tibdil demografiku. B’rabta mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tfixkel lill-muniċipalitajiet, permezz ta’ rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, milli jikkooperaw bejniethom biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod konġunt;

28.

f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tal-ġemellaġġi tal-bliet, netwerks Ewropej ta’ bliet u reġjuni u programmi bilaterali u multilaterali Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali kif ukoll tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT), li jiffaċilita b’mod konsiderevoli l-kooperazzjoni f’oqsma relatati ta’ politika bħas-servizzi ta’ interess ġenerali, it-trasport u l-ħarsien tal-ambjent;

Is-sitwazzjoni attwali tad-deċentralizzazzjoni fl-Ewropa  (1)

29.

abbażi ta’ rapporti reċenti jinnota li formalment tlieta mis-27 Stat Membru tal-UE għandhom struttura federali, Stat Membru wieħed għandu struttura kważi federali filwaqt li l-oħrajn huma Stati unitarji b’karatteristiċi mill-aktar differenti u xi wħud, minkejja l-istruttura formalment unitarja tagħhom, għandhom organizzazzjoni territorjali eteroġenja (sistema asimetrika). Jinnota wkoll li 11-il Stat Membru għandhom livell sottonazzjonali wieħed biss, disgħa għandhom żewġ livelli sottonazzjonali u sebgħa għandhom tliet livelli sottonazzjonali;

30.

josserva b’attenzjoni kbira l-fatt li f’bosta pajjiżi l-kriżi ekonomika u finanzjarja tat spinta lir-riformi u t-tibdil: f’xi pajjiżi l-awtoritajiet sottonazzjonali għaddew minn proċess ta’ ristrutturar territorjali u f’ċerti każijiet inbidlet ukoll b’mod konsiderevoli l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-poteri; però l-bidliet mhux dejjem iżidu d-deċentralizzazzjoni;

31.

jirreferi għall-ħidma ta’ analiżi kkummissjonata minnu biex jikseb stampa ċara tas-sitwazzjoni tad-deċentralizzazzjoni u tad-diviżjoni tal-kompetenzi fl-Istati Membri;

Il-prinċipji għall-organizzazzjoni tal-awtonomija lokali u reġjonali

32.

huwa konvint li l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali funzjonali u d-deċentralizzazzjoni effettiva għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-governanza f’diversi livelli;

33.

jemmen li huwa importanti ferm li l-amministrazzjoni u l-governanza lokali u reġjonali jkunu f’idejn korpi eletti b’mod demokratiku u globalment rappreżentattivi, li jkunu responsabbli għaċ-ċittadini tagħhom. Din il-viċinanza tal-politika lejn iċ-ċittadini toħloq il-valur miżjud tad-demokrazija lokali u reġjonali, għaliex il-governanza tajba u t-trasparenza jsaħħu l-leġittimità u r-responsabbiltà tal-korpi lokali u reġjonali u l-fiduċja fihom;

34.

iqis li huwa assolutament neċessarju li d-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ riformi li jwasslu għad-deċentralizzazzjoni tal-kompetenzi u tar-riżorsi finanzjarji għandha ssir bħala tweġiba għall-viżjonijiet u l-bżonnijiet konkreti taċ-ċittadini u tal-komunitajiet lokali u reġjonali; madankollu jagħraf ukoll li jista’ jintuża referendum jekk dan ikun iġġustifikat fid-dawl tal-importanza tal-miżuri li għandhom jiġu introdotti u b’konformità mal-kostituzzjoni tal-Istat Membru;

35.

jinnota b’sodisfazzjon li l-integrazzjoni Ewropea tat kontribut kruċjali għall-proċess ta’ deċentralizzazzjoni reġjonali u lokali. Fir-rigward tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, id-deċentralizzazzjoni li qed issir jew qed tiġi diskussa bħalissa f’dawn il-pajjiżi tista’ tgħinhom ħafna biex jadattaw b’mod aktar faċli u rapidu għall-acquis tal-UE u eventwalment iwettqu aħjar l-obbligi tas-sħubija mal-UE;

36.

barra minn hekk jindika li t-Trattati tal-UE jirrikonoxxu b’mod indirett id-demokrazija lokali u reġjonali permezz tal-Artikolu 10 tat-TUE, l-Artikolu 20(2) tat-TFUE u l-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan juri li l-UE, irrispettivament min-newtralità fundamentali tagħha rigward l-istruttura istituzzjonali tal-Istati Membri, tqis li d-demokrazija lokali u reġjonali tagħmel parti mis-sisien tal-leġittimità tagħha stess;

37.

f’dan ir-rigward jitlob lill-Istati Membri kollha tal-UE li għadhom m’għamlux hekk, biex jistabbilixxu qafas legali adegwat għall-awtoritajiet sottonazzjonali tagħhom fuq l-ogħla livell possibbli (fejn hu possibbli, fuq livell kostituzzjonali);

38.

jirrimarka li l-għan tiegħu mhux li joħloq unitajiet reġjonali purament statistiċi, iżda li joħloq livelli sottonazzjonali b’awtonomija politika u amministrattiva għaliex dawn jistgħu jimplimentaw sostanzjalment aħjar il-miżuri u l-atti legali adottati mill-UE;

39.

jaqbel mal-fehma tas-CEMR, fost oħrajn, li n-numru ta’ unitajiet deċentralizzati fil-pajjiżi Ewropej għandu jqis ukoll id-daqs ġeografiku tal-pajjiż inkwistjoni, u jagħmel referenza għall-hekk imsejjaħ “Manifest ta’ Salerno” li fasslet l-assoċjazzjoni Arco Latino fl-2012 u li fih rakkomandazzjonijiet siewja għall-iżvilupp futur tal-livelli amministrattivi intermedji;

40.

jisħaq li skont il-motto tal-UE “Magħquda fid-diversità”, id-deċentralizzazzjoni hija fattur ewlieni fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u għandha tiġi appoġġjata mill-istituzzjonijiet Ewropej, anke bil-għan li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jħossuhom aktar awtoritajiet territorjali Ewropej;

41.

f’dan il-kuntest jiġbed l-attenzjoni għall-benefiċċji kruċjali tal-governanza u l-amministrazzjoni deċentralizzati, bħalma huma l-apprezzament aħjar tal-bżonnijiet u x-xewqat taċ-ċittadini, il-(ko)żvilupp ta’ politiki li jistgħu jippromovu t-tkabbir sostenibbli u kompetittiv, il-ġestjoni finanzjarja soda u l-investimenti fil-livell reġjonali u lokali, it-tisħiħ tal-awtonomija u tad-demokrazija lokali u reġjonali;

42.

jenfasizza mill-ġdid li skont il-prinċipji tal-governanza tajba u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fil-livell sottonazzjonali għandhom ikunu involuti, fi stadju kemm jista’ jkun bikri u b’mod iktar attiv u effettiv, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-atti legali tal-UE;

43.

f’dan ir-rigward jemmen li l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR hija mezz importanti u indispensabbli għal dan l-involviment;

44.

jerġa’ jappella lill-Istati Membri b’awtoritajiet reġjonali li għandhom poteri leġislattivi biex joħolqu l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex l-awtoritajiet reġjonali tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE b’rabta ma’ kwistjonijiet li jikkonċernawhom. Dan m’għandux japplika biss għall-parlamenti reġjonali, li għandhom jaqdu rwol attiv fil-mekkaniżmu ta’ twissija bikrija tas-sussidjarjetà, iżda għandu japplika wkoll għall-gvernijiet reġjonali, li għandhom ikunu involuti fil-preparazzjoni tal-pożizzjonijiet nazzjonali fil-Kunsill jew fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet nazzjonali;

Il-governanza f’diversi livelli u r-rabta bejn awtonomija reġjonali u lokali effettiva u funzjonali u l-applikazzjoni tajba tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

45.

ifakkar li l-governanza f’diversi livelli tiggarantixxi l-kooperazzjoni tal-livelli amministrattivi u ta’ gvern kollha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi u fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u għalhekk is-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli jimxu id f’id ma’ awtonomija lokali u reġjonali b’saħħitha;

46.

ifakkar ukoll li għall-ewwel darba t-Trattat ta’ Lisbona jenfasizza b’mod espliċitu li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għall-ispettru amministrattiv u ta’ governanza kollu fl-UE, jiġifieri għal-livell Ewropew, dak nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali. Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità huma l-kundizzjonijiet biex il-governanza f’diversi livelli tiffunzjona fil-prattika;

47.

huwa konvint li s-sussidjarjetà bħala prinċipju politiku u legali tista’ tixpruna d-deċentralizzazzjoni, għaliex permezz tagħha l-kompetenzi jingħataw lil-livell fejn jiġu applikati bl-aktar mod effiċjenti;

48.

beħsiebu jissokta bil-kooperazzjoni tiegħu mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex jissorvelja l-applikazzjoni tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali u s-sitwazzjoni attwali tad-demokrazija lokali u reġjonali fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati;

49.

jindika mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jfassal Karta tal-Unjoni Ewropea dwar il-Governanza f’Diversi Livelli u li jissokta bil-ħidma li diġà nbdiet b’rabta ma’ dan (2);

Deċentralizzazzjoni finanzjarja

50.

jinnota b’sodisfazzjon li l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (3) jindika t-tendenza li d-deċentralizzazzjoni fiskali qed tiżdied fl-Istati Membri tal-UE, b’parti dejjem ikbar ta’ spejjeż u dħul b’rilevanza lokali jew reġjonali. Ir-rapport juri li r-riżorsi proprji, jiġifieri f’termini ta’ taxxi u tariffi sottonazzjonali awtonomi, huma għodod finanzjarji iktar effiċjenti mit-trasferimenti min-naħa tal-gvern ċentrali, iżda d-dazji u t-taxxi proprji tal-livell sottonazzjonali jintużaw f’inqas minn 50 % tal-każijiet u dawn ma żdidux mill-1995 ’l hawn;

51.

jiġbed l-attenzjoni li proċess koerenti ta’ deċentralizzazzjoni jista’ jirnexxi biss jekk it-trasferiment tal-kompetenzi lejn l-awtoritajiet sottonazzjonali jkun marbut ma’ allokazzjoni korrispondenti u suffiċjenti tar-riżorsi finanzarji; u jfakkar li kemm il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali kif ukoll il-qafas ta’ referenza għad-demokrazija reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa jinkludu obbligi u miżuri korrispondenti għall-Istati firmatarji;

52.

f’dan il-kuntest jikkritika l-iżviluppi reċenti f’xi Stati Membri fejn l-allokazzjoni tal-kompetenzi ma ġietx marbuta ma’ riżorsi finanzjarji adegwati jew mal-għoti tal-awtorità biex isir dħul finanzjarju, u dan irriżulta f’awtonomija reġjonali jew lokali ineffiċjenti li mbagħad intużat bħala argument biex jiġu ġġustifikati l-miżuri ta’ ċentralizzazzjoni;

53.

jinnota li mhijiex id-deċentralizzazzjoni li twassal għall-infiq żejjed min-naħa tal-awtoritajiet sottonazzjonali, iżda l-implimentazzjoni ħażina tal-miżuri ta’ deċentralizzazzjoni li mhux qed jiġu akkumpanjati minn deċentralizzazzjoni fiskali;

54.

jerġa’ jirreferi għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja li jgħid li r-reġjuni ffinanzjati l-aktar mir-riżorsi proprji jużaw ir-riżorsi finanzjarji disponibbli b’mod aktar responsabbli, u għalhekk għandhom baġit pubbliku aktar sod. Għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex kemm jista’ jkun jgħaddu mis-sistema tat-trasferimenti għal sistema ta’ riżorsi finanzjarji proprji;

55.

huwa mħasseb għaliex ħafna reġjuni u muniċipalitajiet spiċċaw f’diffikultajiet finanzjarji serji minħabba l-ispekulazzjoni finanzjarja riskjuża, u jissuġġerixxi li jitfasslu strumenti u strateġiji adatti biex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet;

56.

fil-każ ta’ proġetti kofinanzjati mill-UE li huma intiżi biex jinkisbu għanijiet bħal dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020, jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiċċara aktar il-qafas leġislattiv ħalli jiġi żgurat li jinsab bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-kofinanzjament mill-baġits tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-kalkolu tad-defiċit pubbliku tagħhom;

57.

jenfasizza r-relazzjoni pożittiva bejn id-deċentralizzazzjoni u s-suċċess u s-sostenibbiltà tal-politika reġjonali Ewropea, u f’dan il-kuntest jagħmel referenza għall-istudji li jgħidu li l-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari, tikseb riżultati aħjar fl-Istati Membri deċentralizzati;

58.

fl-istess ħin jinnota li b’mod partikolari l-Istati Membri ċentralizzati, fejn ir-reġjuni kollha jiġu appoġġjati fil-qafas tal-Objettiv 1, implimentaw il-politika ta’ koeżjoni b’mod ineffiċjenti peress li ħafna drabi l-awtoritajiet amministrattivi ċentrali ma jkunux familjari mal-problemi u l-isfidi reġjonali tal-proġetti individwali. Għaldaqstant, jisħaq li fil-futur il-fondi individwali fl-Istati Membri għandhom jiġu amministrati bl-involviment tal-livelli sottonazzjonali;

Id-deċentralizzazzjoni u l-isforzi favur l-indipendenza

59.

huwa konvint li deċentralizzazzjoni mifhuma sew tista’ ttejjeb b’mod deċiżiv is-sodisfazzjon taċ-ċittadini fir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, u tista’ ssaħħaħ l-Istat kollu;

60.

mill-banda l-oħra, huwa konvint li meta wieħed jirrifjuta għal żmien twil id-djalogu serju bejn il-livelli differenti ta’ gvern u jonqos b’mod permanenti li jqis ix-xewqat u t-talbiet tar-reġjuni għad-deċentralizzazzjoni tal-kompetenzi u r-riżorsi finanzjarji, dan jista’ jwassal biex tintalab l-awtonomija u, f’każijiet speċjali, l-indipendenza; f’dan il-kuntest ifakkar li l-aċċettazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti u koerenti tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-livell Ewropew jipprovdu l-aħjar qafas li jakkomoda l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-livelli differenti;

61.

josserva mill-qrib l-isforzi favur l-indipedenza, li dan l-aħħar qed jiżdiedu sew fir-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE u sew fil-pajjiżi aderenti, kif ukoll ir-raġunijiet warajhom li huma storikament, politikament u ekonomikament differenti ħafna;

62.

f’dan il-kuntest jitlob li fil-każijiet ikkonċernati ssir riċerka biex jiġu diskussi u mifhuma r-raġunijiet u l-motivazzjoni tagħhom, bil-għan li jinsabu soluzzjonijiet koerenti u paċifiċi għal dawk kollha kkonċernati;

63.

jagħmilha ċara li skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE l-iżvilupp ta’ reġjun lejn l-indipendenza għandu jitqies bażikament bħala kwistjoni interna tal-Istat ikkonċernat;

64.

ifakkar li f’każ li reġjun jikseb l-indipendenza u jkun jixtieq jissieħeb mal-UE, hu jrid iressaq applikazzjoni uffiċjali quddiem il-Kunsill u jsegwi l-proċedura ta’ adeżjoni stabbilita fl-Artikolu 49 tat-TUE bħal kull Stat ieħor li jixtieq isir Stat Membru tal-UE;

Viżjonijiet għall-Ewropa tal-ġejjieni

65.

jieħu sehem b’interess kbir fid-dibattitu li beda dan l-aħħar dwar il-viżjonijiet differenti għall-Ewropa tal-ġejjieni, u jistenna li l-livelli sottonazzjonali jiġu involuti fil-proċess ta’ diskussjoni sa mill-bidu nett u jemmen li din hi sfida importanti għall-attivitajiet tiegħu stess;

66.

jenfasizza li viżjoni għall-Ewropa għandha dejjem tinkludi l-livell reġjonali u lokali, għaliex il-leġittimità tal-Unjoni Ewropea tissejjes fuq, fost affarijiet oħrajn, il-leġittimità tal-livelli sottonazzjonali;

67.

jemmen li hemm bżonn ta’ patt dwar dawn it-temi, u hu ser ifassal u jippreżenta l-ideat tiegħu dwar l-istruttura futura tal-UE; fi ftit kliem, l-idea tiegħu hi li t-trattati l-ġodda jżidu l-possibbiltà li d-demokrazija lokali u reġjonali tiġi rikonoxxuta aktar;

68.

jirrakkomanda li f’dan il-kuntest tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li d-deċentralizzazzjoni b’awtonomija lokali u, jekk jagħti l-każ, reġjonali effettiva ssir waħda mill-kundizzjonijiet għas-sħubija mal-UE;

Rakkomandazzjonijiet

69.

jirrakkomanda li jissaħħaħ id-djalogu tal-istituzzjonijiet Ewropej mal-awtoritajiet reġjonali u lokali bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni diretta bejn ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea;

70.

jirrakkomanda li l-livelli kollha ta’ gvern jimplimentaw sinerġiji sabiex il-kriżi tad-dejn sovran fl-Ewropa tingħeleb darba għal dejjem u, għalhekk, jitlob li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti b’mod ugwali fit-tfassil tal-pjani ta’ riforma fuq livell Ewropew u nazzjonali;

71.

jappella biex l-Istati Membri jwettqu kull riorganizzazzjoni territorjali jew riforma futura tal-gvern lokali b’mod kawt, għaqli u ppjanat tajjeb filwaqt li jirrispettaw il-Karta dwar l-Awtonomija Lokali u l-qafas ta’ referenza Ewropew għad-demokrazija reġjonali, li jiggarantixxi u jsaħħaħ l-awtonomija lokali fuq il-bażi tal-prinċipji tad-demokrazija, tal-prossimità u tad-deċentralizzazzjoni;

72.

iħeġġeġ li l-eżempji tal-aħjar prattiki li kellhom suċċess fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet jingħataw aktar importanza sabiex jippromovu, speċjalment fil-pajjiżi ċentralizzati, id-dibattitu pubbliku dwar id-deċentralizzazzjoni u joħorġu fid-dieher l-vantaġġi li ġġib magħha d-deċentralizzazzjoni permezz ta’ eżempji li rnexxew;

73.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi aktar minn qatt qabel ċerti programmi maħsuba biex iħarrġu l-amministrazzjoni reġjonali u lokali dwar it-tfassil ta’ proġetti ta’ appoġġ adatti u toqgħod attenta aktar li tiżgura li l-fondi tal-UE jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux b’kapriċċ politiku;

74.

jerġa’ jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fir-rapporti ta’ progress annwali tagħha tinkludi dejjem kapitolu dwar il-qagħda tal-awtonomija reġjonali u lokali fil-pajjiż aderenti kkonċernat;

75.

jilqa’ l-fatt li r-rapport annwali li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet fl-2012 dwar il-finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja jinkludi għall-ewwel darba kapitolu dwar id-deċentralizzazzjoni fiskali u dwar is-sitwazzjoni tal-finanzi reġjonali u lokali kif ukoll dwar ir-riformi attwali fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni fiskali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ttenni dan it-tip ta’ analiżi tal-finanzi pubbliċi sottonazzjonali kull sena;

76.

jissuġġerixxi li l-istudju msemmi hawn fuq dwar is-sitwazzjoni tad-deċentralizzazzjoni u d-diviżjoni tal-kompetenzi fl-Istati Membri jiġi kkomplementat permezz ta’ analiżi tar-relazzjoni bejn id-deċentralizzazzjoni tal-kompetenzi minn naħa u d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji permezz tad-deċentralizzazzjoni fiskali min-naħa l-oħra, u jagħmel enfasi fuq kemm huwa siewi dan l-istrument għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Brussell, 12 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Din is-sezzjoni tuża informazzjoni mir-rapport reċenti dwar il-finanzi pubbliċi fil-livell sottonazzjonali fl-UE, li tħejja mill-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) u Dexia Crédit Local, kif ukoll mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(2)  Ara l-Opinjonijiet CdR 89/2009 fin u CdR 273/2011 fin.

(3)  http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2012/public-finances-in-emu-2012_en.htm (disponibbli bl-Ingliż).


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/46


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni”

2013/C 139/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Ir-reġjuni u l-bliet ilaqqgħu flimkien, fi ħdan it-territorju tagħhom, l-atturi ewlenin tat-trijangolu tal-innovazzjoni, taħlita ta’ akkademiċi, universitajiet, riċerkaturi u diversi komunitajiet ekonomiċi u industrijali matul katini ta’ valur u netwerks ta’ valur differenti fil-kamp tal-innovazzjoni. Huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka fl-innovazzjoni u fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas adatti għal ambjenti innovattivi;

japprezza li l-Komunikazzjoni ssemmi b’mod speċifiku d-dimensjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-istrumenti tal-programm “Kapaċitajiet” tas-Seba’ Programm Qafas (FP7), u jappella għall-viżibilità tal-kollaborazzjoni internazzjonali tar-riċerka fil-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, filwaqt li titqies l-esperjenza pożittiva tal-programm “Reġjuni tal-Għarfien” u din tintrabat mal-inizjattivi futuri taż-ŻER-NET;

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali trid tkun dejjem ibbażata fuq prinċipji komuni dwar l-integrità tar-riċerka, id-dimensjoni tal-ġeneru, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-aċċess miftuħ u l-proprjetà intellettwali. Għandha titqies ukoll id-dimensjoni tal-klima u ambjentali, li hija marbuta mal-“iżvilupp sostenibbli”;

jenfasizza r-rilevanza reġjonali u l-benefiċċji sinifikanti (potenzjali) tal-infrastrutturi tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi. Huma jipprovdu l-faċilitajiet (riżorsi komputazzjonali u ta’ komunikazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, strumenti remoti u ġabriet tad-data) meħtieġa biex titwettaq kollaborazzjoni fir-R&I ta’ livell dinji ikun xi jkun il-pajjiż jew il-post ġeografiku tagħhom.

Relatur

Markku MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku

COM(2012) 497 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rilevanza għal-livell lokali u reġjonali u għall-KtR

1.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Ir-reġjuni u l-bliet ilaqqgħu flimkien, fi ħdan it-territorju tagħhom, l-atturi ewlenin tat-trijangolu tal-innovazzjoni, taħlita ta’ akkademiċi, universitajiet, riċerkaturi u diversi komunitajiet ekonomiċi u industrijali matul katini ta’ valur u netwerks ta’ valur differenti fil-kamp tal-innovazzjoni. Huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka fl-innovazzjoni u fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas adatti għal ambjenti innovattivi. Huma jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta’ ambjent reġjonali li jħeġġeġ l-innovattività u l-iskoperta intraprenditorjali. Barra minn hekk, f’ħafna każi, amministrazzjonijiet lokali u reġjonal għandhom poteri leġislattivi u jiġestixxu r-riżorsi finanzjarji għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni;

2.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partijiet interessati importanti fil-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Il-politiki tagħhom għandhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka u l-istabbiliment ta’ ambjenti innovattivi (universitajiet, ċentri tat-teknoloġija, inkubaturi tan-negozji, parks tax-xjenza u ambjenti li huma favorevoli għall-kapital tar-riskju) kapaċi jiġbdu lejhom xjentisti u innovaturi u joħolqu l-kundizzjonijiet materjali u operattivi għal tkabbir qawwi tal-kapital intellettwali.

Kummenti ġenerali

3.

jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, meta wieħed iqis li l-objettivi tal-azzjonijiet proposti ma jistgħux jintlaħqu kompletament mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistemi kostituzzjonali nazzjonali tagħhom filwaqt li l-azzjonijiet fil-livell tal-UE se jġibu magħhom benefiċċju ċar. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu evitati sforzi ta’ frammentazzjoni li jqumu ħafna flus, l-Unjoni trid tikkomplementa l-approċċ miftuħ ta’ Orizzont 2020 b’azzjonijiet immirati sabiex jiġu żgurati skala u ambitu ottimali;

4.

ifakkar li l-għarfien u l-innovazzjoni qed isiru iktar internazzjonali fi ħdan netwerks ta’ valur globali u japprezza l-importanza li jingħaqdu flimkien il-ħsieb fuq livell globali u l-azzjoni lokali;

5.

ifakkar li l-istrateġija Ewropa 2020 tenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni fit-twettiq ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Unjoni tal-Innovazzjoni, bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, tenfasizza r-rwol importanti tal-kooperazzjoni internazzjonali fit-twettiq tal-potenzjal ta’ innovazzjoni tal-Ewropa;

6.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali hija parti essenzjali fl-istabbiliment taż-ŻER u l-ħames oqsma ewlenin tagħha;

7.

japprezza li l-Komunikazzjoni ssemmi b’mod speċifiku d-dimensjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-istrumenti tal-programm “Kapaċitajiet” tas-Seba’ Programm Qafas (FP7), u jappella għall-viżibilità tal-kollaborazzjoni internazzjonali tar-riċerka fil-perjodu ta’ pprogrammar li jmiss, filwaqt li titqies l-esperjenza pożittiva tal-programm “Reġjuni tal-Għarfien” u din tintrabat mal-inizjattivi futuri taż-ŻER-NET;

8.

jappoġġja baġit ambizzjuż għall-Orizzont 2020 u jfakkar li huma meħtieġa sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra li jindirizzaw l-internazzjonalizzazzjoni. Se jkun importanti l-użu tal-istrumenti adatti tal-Orizzont 2020 għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz kbir li għamlet il-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara qafas ċar, konċiż u komprensiv bħala l-bażi għal approċċ aktar strateġiku li jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

10.

japprova l-ħarsa ġenerali strutturata tajjeb u konċiża fil-Komunikazzjoni tal-istrumenti u l-kontropartijiet (potenzjali) għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka;

11.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali dejjem irid ikollha valur miżjud għall-UE;

12.

jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali trid tkun dejjem ibbażata fuq prinċipji komuni dwar l-integrità tar-riċerka, id-dimensjoni tal-ġeneru, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-aċċess miftuħ u l-proprjetà intellettwali. Għandha titqies ukoll id-dimensjoni tal-klima u ambjentali, li hija marbuta mal-“iżvilupp sostenibbli”;

13.

jidentifika tliet punti globali ta’ rilevanza reġjonali fil-Komunikazzjoni, li huma d-diplomazija tax-xjenza, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-infrastrutturi tar-riċerka.

Il-ħtieġa għal valur miżjud fir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI)

14.

huwa konvint li l-għadd kbir ta’ inizjattivi minn Stati Membri u reġjuni mingħajr koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra jwassal xi kultant għal inizjattivi li ma jkunux konnessi internament u li ma jwasslux għall-massa kritika meħtieġa. Għaldaqstant huwa importanti li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn l-aġenda Ewropea dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali ta’ innovazzjoni;

15.

jirrikonoxxi li hemm bżonn li l-attivitajiet tal-Istati Membri individwali jiġu allinjati iżjed, u f’dan il-kuntest valur miżjud addizzjonali jista’ joriġina mill-kooperazzjoni mar-reġjuni. Huwa fl-interess tar-reġjuni u l-bliet innifishom li jipprovdu appoġġ konkret għaż-ŻER u li, permezz tal-funzjoni federali tagħhom fi struttura tal-ispiral triplu, jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas adatti sabiex jiġu attratti investimenti tar-riċerka internazzjonali u riċerkaturi barranin eċċellenti;

16.

sabiex tkun attur importanti fix-xena dinjija, jeħtieġ li l-Ewropa tikkonċentra fuq soluzzjonijiet innovattivi li jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà. F’dan ir-rigward, il-KtR jinsisti fuq l-importanza ta’ approċċ ibbażat fuq is-suq u ggwidat mid-domanda, u jinsisti wkoll fuq il-missjoni essenzjali tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju biex jittraduċu r-riċerka akkademika (internazzjonali) f’applikazzjonijiet prattiċi u jiżguraw il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

17.

jenfasizza r-rwol li l-gvernijiet nazzjonali Ewropej, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jintalbu jaqdu sabiex jittrasformaw l-Ewropa f’realtà integrata mdaqqsa, kapaċi tikkompeti f’dinja globalizzata u tipparteċipa fi djalogu ma’ pajjiżi iktar industrijalizzati minnha (bħall-Istati Uniti u l-Ġappun), ma’ ekonomiji ġodda emerġenti (bħall-BRICS), u ma’ pajjiżi fil-viċinat u li qed jiżviluppaw;

18.

isejjaħ għal definizzjoni iktar espliċita ta’ “reġjun” fil-Komunikazzjoni, possibiliment bid-deżinjazzjoni ta’ reġjuni supranazzjonali u reġjuni sottonazzjonali;

19.

jemmen li r-reġjuni huma f’pożizzjoni privileġġjata biex jorbtu l-attivitajiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni ma’ politiki orizzontali u tematiċi: jiġġestixxu t-territorji tagħhom, jieħdu ħsieb kwistjonijiet ambjentali u ta’ sigurtà, jiżviluppaw pjani u jipprovdu servizzi – jista’ jinħoloq valur miżjud fir-rigward ta’ ideat u approċċi ġodda u soluzzjonijiet ta’ teknoloġija innovattiva.

Il-globalizzazzjoni tal-industrija u tar-RŻI: strumenti u r-rilevanza reġjonali tagħhom

20.

jirrikonoxxi li l-kompetizzjoni globali ma tikkonċernax biss il-pajjiżi iżda wkoll sistemi reġjonali kbar fejn ikun hemm distretti, clusters industrijali mmexxija mir-riċerka, netwerks tan-negozju u parks kummerċjali: id-dimensjoni reġjonali hija msejħa tikkompeti u tikkoopera fil-livell internazzjonali ma’ sistemi simili f’partijiet oħra tad-dinja;

21.

jaħseb li l-Orizzont 2020 jista’ jkun opportunità importanti biex jiġi maħsub mill-ġdid ir-rwol u l-kontribut li jistgħu jkollhom gvernijiet reġjonali għall-kostruzzjoni ta’ sistema Ewropea kapaċi treġġi l-kompetizzjoni globali;

22.

jenfasizza l-ħtieġa għall-appoġġ tal-kunċett tal-governanza f’diversi livelli fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-RŻI li fih ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol ewlieni mal-Istati Membri u l-Unjoni;

23.

jenfasizza l-importanza ta’ netwerks reġjonali għall-kooperazzjoni fir-RŻI interreġjonali u internazzjonali tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Netwerks reġjonali jagħtu lill-atturi reġjonali u lokali l-lok biex jiġbru l-massa kritika meħtieġa ta’ ideat, kompetenzi, mezzi finanzjarji biex jipparteċipaw f’kollaborazzjonijiet tar-RŻI u jissieħbu f’intrapriżi internazzjonali ta’ skala kbira. Netwerks huma modi b’saħħithom ħafna kif jinġabru flimkien riżorsi, għarfien espert u esperjenza u kapaċitajiet differenti. L-operaturi tar-RŻI u l-partijiet interessati tagħhom b’konnessjonijiet tajba joħolqu ekosistemi favorevoli għal kooperazzjoni internazzjonali grazzi għall-ħtieġa li wieħed ikollu dejjem aktar konnessjonijiet globali u minħabba li t-tendenza hija lejn realtajiet territorjali li huma marbuta ma’ post speċifiku.

Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (SFIC)

24.

jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, li jottimizza l-użu ta’ riżorsi nazzjonali, Ewropej u globali, u jevita d-duplikazzjoni ta’ attivitajiet;

25.

japprezza l-isforz tal-SFIC biex jipprovdi ħarsa ġenerali strutturata tajjeb ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali żviluppati mill-Istati Membri, bħala parti mill-politiki u l-programm tagħhom stess;

26.

ifakkar fil-kontribut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu lill-SFIC, meta jkollhom kompetenzi u riżorsi istituzzjonali biex jieħdu l-inizjattiva u jwettqu kooperazzjoni fil-livell internazzjonali. Diversi reġjuni tal-UE huma pjuttost attivi permezz ta’ ftehimiet, rappreżentazzjonijiet barra mill-pajjiż u attivitajiet kofinanzjati. Ċentri tan-Negozju u tat-Teknoloġija Ewropej stabbiliti barra huma eżempju ta’ inizjattivi barra mill-UE fejn atturi reġjonali huma involuti b’mod attiv;

27.

jaħseb li billi l-kooperazzjoni ta’ reġjuni Ewropej ma’ pajjiżi barra mill-UE ta’ sikwit issir sew jekk huma u sew jekk mhumiex disponibbli l-fondi tal-UE, sabiex ikunu kompatibbli u jaħdmu lejn l-istess miri, għandha tiġi studjata strateġija ta’ koordinazzjoni mal-SFIC;

28.

ifakkar li, mil-lat tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi li huma l-eqreb biex jagħrfu atturi fir-riċerka u kumpaniji innovattivi li – b’loġika minn isfel għal fuq – jiddeċiedu jekk huwa utli li jkunu preżenti f’ċerti pajjiżi jew reġjuni u jikkooperaw mal-atturi lokali;

29.

jemmen li hija importanti l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali/federali/reġjonali/lokali f’attivitajiet internazzjonali iżda l-Istati Membri (jew ir-reġjuni li jistabbilixxu u jwettqu l-politika) għandhom jibqgħu l-atturi responsabbli ewlenin f’dan il-qasam; fejn jiġu identifikati prijoritajiet komuni fir-rigward ta’ pajjiżi/reġjuni terzi, huwa evidenti l-valur miżjud ta’ inizjattivi konġunti Ewropej ikkoordinati;

30.

jaħseb li huwa importanti approċċ strateġiku, bi pjan direzzjonali pluriennali, iżda ma jridx ikun riġidu żżejjed: hija meħtieġa l-flessibilità sabiex l-Istati Membri jew ir-reġjuni jkunu jistgħu jagħmlu adattamenti ġustifikati fl-allokazzjoni ta’ mezzi nazzjonali/federali/reġjonali.

Sistemi għall-ġbir tal-informazzjoni

31.

jitlob li jibqa’ infurmat dwar, u possibilment involut fis-sistema proposta għall-ġbir tal-informazzjoni, li tista’ tintuża bħala sors wieħed ta’ kontribuzzjoni għar-riċerka strateġika u l-aġendas tal-innovazzjoni fil-qafas tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

32.

jirrikonoxxi li l-ispeċjalizzazzjoni xjentifika dinjija u l-kwalità relattiva joħolqu opportunitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali abbażi ta’ komplementaritajiet, u jirrakkomanda l-isforzi ppreżentati fil-Komunikazzjoni għall-immappjar tal-punti b’saħħithom fix-xjenza u dawk dgħajfa fuq livell supranazzjonali;

33.

isejjaħ biex dan l-eżerċizzju ta’ mappjar jiġi estiż għal-livell sottonazzjonali wkoll, possibbilment li jsiru żviluppi fuq is-sistemi ta’ informazzjoni li diġà jeżistu; jinnota l-importanza ta’ skambji mal-imsieħba globali fir-rigward tal-konfigurazzjoni u l-użu ta’ sistemi ta’ informazzjoni bħal pereżempju l-European ERA-watch u l-bażijiet tad-data tal-Amerika ta’ Fuq bħal STAR metrics, COMETS u ORCID;

34.

jirrikonoxxi l-potenzjal ta’ dawn is-sistemi ta’ informazzjoni fir-rigward tal-identifikar ta’ vantaġġi (teknoloġiċi) komparattivi, u fil-għoti ta’ kontribut dwar id-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fir-rigward ta’ sinerġiji, komplementaritajiet u sħubijiet; għar-reġjuni interessati f’kooperazzjoni ma’ reġjuni jew pajjiżi mhux fl-UE, din l-informazzjoni tista’ tagħti kontribut rilevanti għad-definizzjoni ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

35.

ifakkar li netwerks Ewropej interkonnessi, li jaġixxu bħala komunità, il-ħin kollu jtejbu l-prestazzjonijiet tagħhom permezz ta’ valutazzjonijiet minn pari, tagħlim komparattiv, valutazzjonijiet komparattivi u l-immappjar ġeografiku tal-innovazzjoni Ewropea, u jistgħu jagħtu kontribut rilevanti.

Punti ġenerali oħrajn ta’ rilevanza reġjonali

36.

jirrikonoxxi li hija pożittiva l-idea li wieħed jiffoka fuq temi fejn il-kooperazzjoni internazzjonali tagħmel differenza, b’mod partikolari fi ħdan l-infrastruttura globali tar-riċerka. Id-diplomazija tax-xjenza u l-ispeċjalizzazzjonijiet huma kwistjonijiet oħra rilevanti għall-attivitajiet internazzjonali tar-R&I tal-UE;

37.

ifakkar li mudelli globali kollaborattivi bbażati fuq l-innovazzjoni miftuħa, l-Internet u netwerks soċjali onlajn, clusters, attivitajiet internazzjonali konġunti, pjattaformi tat-teknoloġia maqsuma, Living labs u inizjattivi kollaborattivi bejn komunitajiet huma għodod fantastiċi għal attivitajiet internazzjonali miftuħa u msejsa fuq il-kollaborazzjoni.

Infrastrutturi tar-riċerka

38.

jaqbel li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka strateġiċi għandu dimensjoni internazzjonali ta’ kollaborazzjoni inerenti Huwa kruċjali t-twaqqif ta’ infrastrutturi koerenti (fiżiċi u mhux fiżiċi) għat-tisħiħ tal-potenzjal tal-innovazzjoni ta’ territorji f’dimensjoni globali;

39.

jenfasizza r-rilevanza reġjonali u l-benefiċċji sinifikanti (potenzjali) tal-infrastrutturi tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi. Huma jipprovdu l-faċilitajiet (riżorsi komputazzjonali u ta’ komunikazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, strumenti remoti u ġabriet tad-data) meħtieġa biex titwettaq kollaborazzjoni fir-R&I ta’ livell dinji ikun xi jkun il-pajjiż jew il-post ġeografiku tagħhom;

40.

ifakkar li l-infrastrutturi elettroniċi globali jikkostitwixxu element ewlieni ta’ żona diġitali tar-riċerka Ewropea miftuħa għall-bqija tad-dinja: jistgħu jagħtu kontribut għall-indirizzar tal-isfidi globali tar-riċerka;

41.

jirrakkomanda l-konsultazzjoni ta’ reġjuni u awtoritajiet lokali fit-tfassil tal-pjan direzzjonali ESFRI (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka).

Id-diplomazija tax-xjenza

42.

jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni hija strument importanti ta’ “poter tal-persważjoni” (soft power) u mekkaniżmu għat-titjib tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi u reġjuni ewlenin;

43.

jenfasizza r-rwol tad-diplomazija tax-xjenza, b’mod partikolari iżda mhux neċessarjament limitat għall-iżgurar tad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-politika Ewropea tal-viċinat il-ġdida. Sħubijiet ta’ S&T bireġjonali ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jikkomplementaw il-politiki u l-istrumenti esterni tal-Unjoni billi jinbnew sħubijiet għall-iżvilupp sostenibbli kapaċi jindirizzaw sfidi globali;

44.

ifakkar li l-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni ma’ pajjiżi industrijalizzati u ekonomiji emerġenti jistgħu joħolqu opportunitajiet ta’ negozju u jiftħu swieq ġodda għall-atturi tan-negozju lokali u reġjonali. Il-bażi tad-data ERA-Watch, bl-informazzjoni tagħha skont il-pajjiż dwar l-internazzjonalizzaazzjoni tal-kooperazzjoni S&T, tista’ tgħin lir-reġjuni jidentifikaw suġġetti għal kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll ma’ reġjuni li mhumiex fl-UE fejn kollaborazzjonijiet f’dan il-qasam jistgħu jkunu ta’ benefiċċji reċiproku.

Speċjalizzazzjoni

45.

ifakkar fil-potenzjal tal-ispeċjalizzazzjoni xjentifika li kapaċi tiftaħ opportunitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali abbażi tal-komplementaritajiet;

46.

jirrimarka dwar l-importanza kruċjali tad-dimensjoni internazzjonali tal-Istrateġiji tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3), bħala xprun importanti għal aktar investimenti u opportunitajiet kemm għar-reġjuni Ewropej kif ukoll għal pajjiżi terzi;

Sfidi soċjetali globali

47.

jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni globali fix-xjenza u l-innovazzjoni hija importanti u li l-Orizzont 2020 jista’ jippermetti rispons xjentifiku effettiv għall-isfidi globali;

48.

jenfasizza l-kontribut importanti li r-reġjuni jistgħu jagħtu fl-indirizzar ta’ sfidi soċjetali, permezz tal-politika, programmi koordinati u attivitajiet konġunti maħsuba f’qafas sinerġetiku mal-istrumenti esterni nazzjonali u tal-UE;

49.

ifakkar fl-importanza tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali bħala atturi kruċjali għal ekosistemi effettivi u effiċjenti tar-riċerka u l-innovazzjoni fejn clusters u l-aqwa għarfien espert Ewropew (universitajiet lokali, l-industrija, l-SMEs, aġenziji reġjonali tar-riċerka/żvilupp...) jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni msejsa fuq id-domanda u l-opportunitajiet, jiġu riżolti problemi mid-dinja reali u jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali internazzjonali ewlenin.

Brussell, 12 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/51


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”

2013/C 139/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jappoġġja s-sejħa biex jissaħħu l-isforzi rigward l-iżvilupp ta’ ħiliet transversali, partikolarment il-ħiliet intraprenditorjali;

iqis li huwa essenzjali li jinħolqu r-rabtiet bejn it-tagħlim informali u mhux formali u l-edukazzjoni formali. Jiġri ta’ spiss wisq li l-iżvilupp tal-kurrikulu fil-livell sekondarju jkun iffukat fuq il-kisba tal-informazzjoni, pjuttost milli jiffoka fuq it-tisħiħ tal-fehim, it-tagħlim ta’ ħiliet ewlenin u l-iżvilupp tal-ħiliet biex wieħed jiffaċċja u jsib triqtu f’din id-dinja;

iqis li, fil-klima ekonomika attwali, huwa essenzjali li nagħrfu l-importanza li jiġu kkombinati l-investiment pubbliku u dak privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Mhuwiex biss importanti imma vitali li jkun hemm politiki totalment inklużivi;

jissottolinja li fir-rigward tal-multilingwiżmu u litteriżmu medjatiku, il-partikolarità tal-bżonnijiet tat-tagħlim u l-kurrikula li jinbidlu malajr ħafna, hemm bżonn ta’ investimenti fl-istrumenti tat-tagħlim, sħubijiet b’ambitu usa’ u viġilanza kontinwa. L-ICT illiberat potenzjal enormi biex jittejbu r-riżultati tat-tagħlim;

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tinvolvi l-partijiet interessati biex tmexxi ’l quddiem l-istrateġija proposta għar-“Reviżjoni tal-Edukazzjoni” fi sforz konġunt għal riforma u jafferma l-interess tiegħu biex titkompla l-ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u msieħba oħrajn fil-qasam.

Relatur

is-Sinjura O'LOUGHLIN (IE/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Kildare u l-Awtorità Reġjonali tal-Lvant Ċentrali

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar

COM(2012) 669 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (1) bħala kontribut f’waqtu u siewi biex jitnieda proċess imġedded għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li huma moderni u effettivi;

2.

iqis, madankollu li t-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni”, li jixraqlu enfasi usa’ minn dik iddikjarata fil-Komunikazzjoni, m’għandux jinsa l-għanijiet taċ-ċittadinanza attiva, l-iżvilupp personali u l-benesseri, minkejja li hemm bżonn li jittejbu l-kompetenzi sabiex ikun hemm impjegabbiltà u t-tkabbir, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-seklu 21 bħat-tibdil fil-klima, it-tixjiħ u l-migrazzjoni;

3.

jenfasizza l-fatt li l-pakkett tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-edukazzjoni jistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika għas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għas-snin li ġejjin, u li parti essenzjali mill-prijoritajiet għandha tkun l-iżvilupp personali fir-rigward tal-edukazzjoni taż-żgħar, u jitlob lill-Istati Membri jġeddu l-enfasi fuq:

–   il-KWALITÀ: għandhom jiġu provduti l-ħiliet it-tajba għall-post tax-xogħol;

–   l-AĊĊESSIBBILTÀ: liema huma dawk ir-riformi li ser iżidu l-effiċjenza u l- inklużività tal-edukazzjoni u jikkontribwixxu għat-tagħlim tul il-ħajja;

–   il-FINANZJAMENT: x’riżorsi għandhom jintużaw u min għandu jiġi involut biex jitwettqu r-riformi relatati ma’ azzjonijiet meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ bħala l-ixpruni tat-tkabbir u l-impjieg fost iż-żgħażagħ. Dawn il-prijoritajiet huma konformi mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li saru lill-Istati Membri fis-Semestru Ewropew;

4.

jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex ittejjeb u tinnova l-kunċetti tal-edukazzjoni intraprenditorjali u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll is-sejħa tagħha biex ikun hemm aktar investiment sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jingħata rispons għall-isfidi marbuta mal-ekonomija globali u l-bidla fid-domanda għall-ħiliet u b’hekk jinħoloq it-tkabbir u jkunu żgurati l-impjiegi;

5.

jenfasizza li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tappella għal bidla radikali fl-edukazzjoni, b’aktar attenzjoni lir-“riżultati tat-tagħlim” – l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jiksbu l-istudenti. Il-Kumitat jisħaq fuq ir-rwol essenzjali tal-edukazzjoni b’rabta mal-motivazzjoni u l-kontenut, jiġifieri biex toħloq il-kundizzjonijiet għal tagħlim kontinwu;

6.

iqis li t-tul ta’ żmien li wieħed iqatta’ fis-sistema edukattiva mhuwiex indikatur tajjeb ta’ kemm wieħed ikun tgħallem. Kontenut edukattiv interessanti u rilevanti flimkien ma’ metodi u ambjenti ta’ tagħlim li jimmotivaw u li jkunu effettivi, huma ħafna aktar importanti mit-tul ta’ żmien li wieħed iqatta’ fl-edukazzjoni. Barra minn hekk, jenfasizza li għad hemm bżonn li l-ħiliet tal-qari, il-kitba u l-għadd, inklużi l-għarfien finanzjarju bażiku u l-kompetenza diġitali jittejbu b’mod sinifikanti, u hemm bżonn jiġu żviluppati u jissaħħu l-ħiliet intraprenditorjali u sens ta’ inizjattiva. Hemm ukoll bżonn ċar biex jiġu analizzati u studjati t-tqassim u n-numru ta’ sigħat tal-kurrikula fis-sistemi edukattivi Ewropej sabiex isir l-aħjar użu mill-ħin li jitqatta’ fl-iskola mil-lat tal-prestazzjoni akkademika reali tal-istudent;

7.

jaqbel mal-Istrateġija tal-OECD għall-Ħiliet (OECD Skills Strategy) ippubblikata fil-21 ta’ Mejju 2012 li tikkunsidra li l-ħiliet saru munita globali tas-seklu wieħed u għoxrin. Il-valur ta’ din “il-munita” jiddependi mill-prospetti ta’ użu u mill-potezjal għal żvilupp. Mingħajr investiment adatt fil-ħiliet, l-individwi jinfnew fix-xifer tas-soċjetà, l-iżvilupp teknoloġiku ma jissarrafx fi tkabbir ekonomiku u l-pajjiżi ma jkunux jistgħu jibqgħu jikkompetu f’soċjetà globali li kulma jmur issir dejjem aktar ibbażata fuq l-għarfien. Imma din “il-munita” titlef il-valur tagħha hekk kif jevolvu r-rekwiżiti tas-swieq tax-xogħol u l-individwi jitilfu l-ħiliet li ma jużawx jew ma jiksbux ħiliet ġodda bħala parti mill-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja;

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħiliet ma jissarfux f’impjiegi u tkabbir b’mod awtomatiku. L-Istrateġija tal-OECD tirrakkomanda l-promozzjoni tal-imparzjalità fl-opportunatijiet ta’ edukazzjoni. Filwaqt li qed tinfirex aktar l-inugwaljanza f’ħafna oqsma tal-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jnaqqsu dan id-distakk. Għaldaqstant iqis li jekk titjieb l-imparzjalità fl-iżvilupp tal-ħiliet dan huwa soċjalment ġust kif ukoll ekonomikament effiċjenti. Barra dan, ir-riċerka ilha li kkonfermat li l-imparzjalità u l-kwalita fl-edukazzjoni mhux bilfors jeskludu lil xulxin, imma bil-maqlub: is-sistemi edukattivi li l-aktar jagħtu riżultati madwar il-pajjiżi tal-OECD huma dawk li jgħaqqdu flimkien il-kwalità u l-imparzjalità;

9.

jenfasizza l-valur tal-perspettiva tas-sistema kollha li din l-Opinjoni tagħti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, u jemmen li huwa importanti tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jintużaw l-evidenza fattwali u l-prattiki tajbin fit-tfassil tal-azzjonijiet proposti u tar-riformi li hemm bżonn sabiex dawn is-sisemi jsiru aktar effiċjenti, flessibli u rilevanti. Fl-istess ħin, jenfasizza l-missjoni wiesgħa tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-rwol tagħhom biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u l-bżonn ta’ apppoġġ fil-livelli kollha – UE, nazzjonali, lokali u reġjonali;

Insaħħu l-ħiliet għas-seklu 21

10.

jappoġġja s-sejħa biex jissaħħu l-isforzi rigward l-iżvilupp ta’ ħiliet transversali, partikolarment il-ħiliet intraprenditorjali. Iqis li l-ewwel pass, fl-isforzi biex tintlaħaq id-domanda għall-ħiliet relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, il-matematika u r-riċerka u l-innovazzjoni, għandu jkun li niżguraw li kulħadd jikseb il-ħiliet fundamentali jew bażiċi, u li jinkludu l-kompetenza diġitali u għarfien finanzjarju bażiku. Huwa essenzjali li t-tagħlim tal-ħiliet intraprenditorjali, li ħafna minnhom huma relatati mill-qrib mal-ħiliet emozzjonali, jiddaħħlu fil-kurrikula tas-sistemi tal-edukazzjoni Ewropej kollha;

11.

jisħaq li t-tagħlim fil-livelli kollha għandu juża ħafna aktar it-tagħlim f’timijiet, gruppi u netwerks, għax hija biss parti żgħira mill-ħajja tax-xogħol li tinvolvi xogħol solitarju u li wieħed isolvi l-problemi waħdu. Fl-attivitajiet kollha, it-trawwim tajjeb ta’ sens ta’ tim dejjem ikun mibni fuq l-għarfien, il-ħiliet u l-personalitajiet ta’ nies differenti li jkunu kompatibbli u li jikkomplementaw lil xulxin;

12.

jaqbel li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għandhom ikun parti integrali u apprezzata fis-sistema edukattiva, partikolarment is-sistema doppja li tinvolvi t-tagħlim abbażi tax-xogħol. Il-pajjiżi li għandhom sistemi doppji żviluppati ħafna għandhom tendenza li jmorru aħjar f’termini ta’ impjieg taż-żġħażagħ. Iżda xorta waħda hemm aktar minn nofs l-Istati Membri fejn anqas minn 50 % tal-istudenti jipparteċipaw fl-ETV. Għalhekk l-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw l-eċċellenza fl-ETV, jallinjaw il-ksib tal-ETV b’tali mod li jikkorrespondi mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol lokali, b’involviment qawwi mill-intrapriżi. Il-kwalifiki miksuba f’ċiklu qasir f’oqsma fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet, pereżempju, jistgħu jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u jħallu impatt ġenwin fuq l-impjiegi. Il-KtR jenfasizza li ċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiż jew reġjun għandhom jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ sistemi edukazzjoni vokazzjonali doppji ta’ livell għoli. Il-KtR jissuġġerixxi wkoll it-tnedija ta’ programmi pilota biex jinkoraġixxu s-sistemi tal-edukazzjonii fil-pajjiżi li m’għandhomx sistema edukattiva doppja żviluppata biżżejjed sabiex jippromovu l-apprendistati u joħolqu rabta aħjar bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-ambjent tax-xogħol;

13.

jilqa’ l-fatt li l-bżonn ta’ strateġija tal-edukazzjoni intrapreditorjali fil-livelli istituzzjonali ġie rikonoxxut tajjeb mill-Ministri tal-Kunsill tal-Edukazzjoni fil-15 ta’ Frar u jistenna li dan jissarraf malajr f’azzjoni konkreta mill-Istati Membri;

14.

jagħraf l-importanza tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi edukattivi għall-intraprenditorjat madwar l-Ewropa kollha. Iqis li għandu tingħata attenzjoni speċjali biex jingħelbu d-disparitajiet u differenzi sinifikanti fl-iżvilupp tagħhom, kif intwerew mill-istħarriġ dwar l-intraprenditorjat fl-edukazzjoni għolja tal-2008 u kkonfermat fis-simpożju ta’ livell għoli dwar l-edukazzjoni tal-intraprenditorjat li sar f’Budapest fl-2011;

15.

jenfasizza li l-aċċess tal-istudenti għall-edukazzjoni intraprenditorjali jvarja u spiss huwa determinat fil-livell tal-istituzzjoni. Iqis li l-għalliema u l-edukaturi huma multiplikaturi importanti, imma fl-istess ħin hemm bżonn jiġi indirizzat, sa fejn ikun possibbili fl-ambjent tal-iskola, in-nuqqas eżistenti ta’ fehim dwar x’tinvolvi l-edukazzjoni intraprenditorjali u kif tista’ tiġi mgħallma; għaldaqstant jikkunsudra li l-Istati Membri, f’koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-korpi rilevanti li jagħtu appoġġ lin-negozji, għandhom jinkludu elementi tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija fil-kontenut tal-kurrikulu rigward l-edukazzjoni bażika, it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja;

16.

jenfasizza l-importanza ta’ qafas Ewropew għall-kompetenzi ewlenin, li fosthom l-edukazzjoni intraprenditorjali ġiet identifikata bħala importanti ħafna; għaldaqstant jissuġġerixxi li għandha tingħata attenzjoni kbira fuq it-taħriġ tal-għalliema dwar il-ħiliet intrapreditorjali, għalkemm it-tagħlim informali bejn l-imprendituri u l-istudenti għandu jiġi promoss b’mod estensiv wkoll.

17.

jappella lill-fornituri tat-taħriġ lokali u reġjonali u lis-sistema tal-edukazzjoni biex jipprovdu aktar offerti mfasslin apposta (tagħlim formali u mhux formali) immirati speċifikament lejn it-taħriġ tal-persuni biex isiru imprendituri jew biex jiżviluppaw in-negozju tagħhom. Il-prattiki tajba mir-Reġjuni Intraprenditorjali Ewropej (EER) jistgħu jkunu sors importanti ta’ ispirazzjoni f’dan ir-rigward. It-tikketta tal-premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew tal-Kumitat tar-Reġjuni hija eżempju tajjeb li juri li r-reġjuni jistgħu jiżviluppaw, bi spiża baxxa, strateġiji li jħarsu ’l quddiem b’fokus speċifiku biex iżidu l-ħiliet intraprenditorjali speċjalment fost iż-żgħażagħ, u b’hekk, jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ imprendituri u impjiegi.

18.

filwaqt li l-profiċjenza fil-lingwi barranin hija wieħed mill-elementi determinanti tal-mobbiltà professjonali u tat-tagħlim kif ukoll tal-impjegabbiltà nazzjonali u internazzjonali, il-Komunikazzjoni tikkonkludi li “r-riżultat tat-tagħlim tal-lingwi barranin fl-Ewropa huwa batut”: erba’ minn kull għaxar studenti biss jiksbu l-livell ta’ “utent indipendenti” fl-ewwel lingwa barranija, livell li jindika l-kapaċità li wieħed ikollu konversazzjoni sempliċi. Il-ħiliet lingwistiċi dgħajfin għalhekk jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għall-kompetittività internazzjonali tal-intrapriżi tal-UE. Dan jgħodd partikolarment f’żoni fejn iċ-ċittadini Ewropej jgħixu viċin il-fruntiera ta’ pajjiż ġar li jkollu lingwa differenti. It-tagħlim tal-lingwi huwa meqjus ħafna aktar effettiv jekk jinbeda minn età żgħira u, fl-istess ħin, it-trawwim ta’ fehim reċiproku u l-iżvilupp ta’ sens ta’ ċittadinanza Ewropea jirrikjedu kuntatti sa minn età żgħira;

19.

filwaqt li jagħraf il-progress li ntlaħaq s’issa, iqis li għad hemm potenzjal mhux sfruttat biex is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu aħjar ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali u biex jikkontribwixxu għall-prosperità tal-Ewropa, pereżempju billi jagħmlu użu mill-possibiliatjiet ġodda li joffru t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) u r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa kif ukoll l-innovazzjoni miftuħa;

20.

iqis li, fil-klima ekonomika attwali, huwa essenzjali li nagħrfu l-importanza li jiġu kkombinati l-investiment pubbliku u dak privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Barra minn hekk, jissottolinja l-ħtieġa ta’ prekawzjoni mill-effetti kollaterali mhux mixtieqa li jista’ jkun hemm, bħalma huma t-tnaqqis fl-aċċess tal-gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Mhuwiex biss importanti imma vitali li jkun hemm politiki totalment inklużivi;

21.

iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, b’erba’ oqsma kkunsidrati essenzjali biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni u fejn l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar:

l-iżvilupp ta’ edukazzjoni vokazzjonali, ġenerali u kontinwa ta’ livell dinji sabiex jittejbu l-għarfien akkademiku meħtieġ għat-tagħlim tul il-ħajja u l-kwalità tal-ħiliet vokazzjonali;

il-promozzjoni ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol inklużi skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità, apprentistati u mudelli ta’ tagħlim doppju biex jgħinu fit-tranżizzjoni mit-tagħlim għax-xogħol;

il-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u privati (biex jiġu żgurati kurrikula adegwati u provvediment ta’ ħiliet);

il-promozzjoni tal-mobbiltà għat-tagħlim taż-żgħażagħ kollha sabiex it-tagħlim ikun aċċessibbli b’kundizzjonijiet ugwali, irrispettivament minn fejn ikunu joqogħdu;

22.

jilqa’, f’dan ir-rigward, il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ ta’ Diċembru 2012, li jinkludi garanzija għaż-żgħażagħ, u l-proposta tal-Kunsill Ewropew għal Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, b’baġit ta’ EUR 6 biljun (2014-2020) għal reġjuni li għandhom livell ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ aktar minn 25 %; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jaħdmu mar-reġjuni sabiex jiżguraw li l-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ tkun tabilħaqq komplementari u tibni fuq l-azzjonijiet reġjonali u nazzjonali eżistenti kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u tħalli effett tanġibbli permezz tal-garanzija għaż-żgħażagħ;

23.

itenni għaldaqstant it-talba tiegħu lill-Istati Membri u, fejn jagħti l-każ, lill-gvernijiet reġjonali, biex minkejja l-pressjonijiet baġitarji, ma jiħdux riskju fuq il-futur u jimplimentaw tnaqqis f’setturi (bħall-edukazzjoni u t-taħriġ) li huma l-pedament għat-tkabbir (2) ta’ għada. Is-Semestru Ewropew jista’ jintuża biex jiġi żgurat li t-tnaqqis ma jolqotx lil dawk is-setturi li huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020; jinsisiti li l-Istati Membri li bħalissa jinsabu taħt pressjonijiet baġitarji severi ma jitħallewx barra;

Inħeġġu t-tagħlim miftuħ u flessibli

24.

iqis li huwa essenzjali li jinħolqu r-rabtiet bejn it-tagħlim informali u mhux formali u l-edukazzjoni formali. Jiġri ta’ spiss wisq li l-iżvilupp tal-kurrikulu fil-livell sekondarju jkun iffukat fuq il-kisba tal-informazzjoni, pjuttost milli jiffoka fuq it-tisħiħ tal-fehim, it-tagħlim ta’ ħiliet ewlenin u l-iżvilupp tal-ħiliet biex wieħed jiffaċja u jsib triqtu f’din id-dinja; jinnota li l-Istati Membri huma responsabbli biex ifasslu u jiżviluppaw kurrikula speċifiċi u biex jorganizzaw u jiffinanzjaw sistemi tal-edukazzjoni;

25.

jitlob li dawn il-ħiliet prinċipali jitqiesu bħala ċentrali fir-reviżjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ: il-ħsieb kreattiv, il-komunikazzjoni, l-ipproċessar tal-informazzjoni, li wieħed ikun effettiv personalment u jaħdem mal-oħrajn; dawn il-ħiliet prinċipali jikkomplementaw u jiffaċilitaw l-akkwist tat-tmien kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (3);

26.

jissottolinja li l-għalliema jiffaċċjaw domandi li jinbidlu malajr, u li hemm bżonn sett ġdid ta’ kompetenzi għall-għalliema, u għall-edukaturi u l-mexxejja tagħhom. Hemm bżonn urġenti għal aktar xogħol dwar kif għandhom jiġu modernizzati l-metodi tat-tagħlim, jiġi żgurat li l-għalliema jibqgħu aġġornati bl-iżviluppi fis-suġġett tagħhom, u kif għandha tiġi identifikata u promossa l-eċċellenza fit-tagħlim, filwaqt li jiġi rispettat il-fatt li l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kompetenzi għall-għalliema huwa kompetenza tal-Istati Membri;

27.

jissotolinja l-importanza li jiġu żviluppati l-ħiliet bażiċi tajba billi jiġi assigurat li mill-bidu nett l-għalliema jagħtu prijorità lill-akkwist ta’ dawn il-ħiliet u billi l-komunità lokali tiġi involuta fl-appoġġ attiv tal-integrazzjoni soċjali, pereżempju dawk li huma soċjalment żvantaġġati jew li għandhom kultura/edukazzjoni differenti. Fl-istess ħin, hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni tajba mal-komunità tan-negozju u, jekk neċessarju, irid jingħata wkoll appoġġ psikopedagoġiku;

28.

jissottolinja li fir-rigward tal-multilingwiżmu u litteriżmu medjatiku, il-partikolarità tal-bżonnijiet tat-tagħlim u l-kurrikula li jinbidlu malajr ħafna, hemm bżonn ta’ investimenti fl-istrumenti tat-tagħlim, sħubijiet b’ambitu usa’ u viġilanza kontinwa. L-ICT illiberat potenzjal enormi biex jittejbu r-riżultati tat-tagħlim. F’xi każijiet, diversi strumenti ta’ tagħlim u istruzzjoni, bħas-simulaturi u l-logħob, jistgħu jagħmluha possibbli li jinkisbu riżultati ta’ tagħlim li huma ħafna aħjar minn dawk miksuba mill-użu esklużiv ta’ tagħlim ibbażat fuq il-lezzjonijiet u materjal ta’ illustrazzjoni konvenzjonali. Għalhekk jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu rabtiet u oqfsa ta’ kooperazzjoni mas-setturi tan-negozju u l-universitajiet lokali, biex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-kommunità lokali sabiex jifhmu l-bżonnijiet lokali u jiżdied iċ-ċans ta’ impjieg tal-persuni f’taħriġ, u biex jipprovdu għall-edukazzjoni kontinwa tal-għalliema;

29.

jirrikonoxxi l-kontribut effettiv li qed jagħti l-proċess kontinwu tal-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport għall-għanijiet strateġiċi tal-UE, b’mod partikolari għall-ksib tal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli, speċjalment għaż-żgħażagħ;

30.

jenfasizza wkoll il-funzjoni edukattiva, soċjali u soċjetali tal-isport bħala fattur importanti biex it-tagħlim isir aktar effettiv, tissaħħaħ il-kapaċità mentali, jittejjeb il-benesseri fiżiku tal-individwi, tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-ħajja tal-individwi u titrawwem l-integrazzjoni armonjuża tas-soċjetà bis-saħħa tal-promozzjoni tal-valuri tat-tolleranza, il-ġustizzja u l-kooperazzjoni;

31.

iwissi li filwaqt li l-evidenza tappoġġja bis-sħiħ edukazzjoni li tressaq l-attenzjoni tagħha fuq l-iżvilupp tal-ħiliet transversali, fil-fatt il-prattika attwali miexja fid-direzzjoni opposta. Iqis li l-użu ta’ ttestjar standardizzat madwar l-UE kollha, kif ukoll l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim, simulaturi tat-tagħlim, “fabbriki tat-tagħlim” u affarijiet ekwivalenti huma ostakli kbar li jridu jingħelbu jekk irridu li s-sistemi edukattivi jitfasslu mill-ġdid favur l-iżvilupp tal-ħiliet għall-impjieg. Dawn iridu jiġu indirizzati. L-iżvilupp u l-akkwist ta’ infrastruttura sikwit ikunu jeħtieġu investimenti kbar, iżda r-ritorn fuq dawn l-investimenti jkun tajjeb jekk dawn isiru b’mod strutturat;

32.

jilqa’ l-enfasi fuq ir-riżultati tat-tagħlim. Jisħaq dwar l-importanza li l-flessibbiltà u l-awtonomija jiġu bbilanċjati mat-trasferibbiltà u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki fir-reġjuni u l-pajjiżi Ewropej; għaldaqstant huwa interessat fl-implimentazzjoni bla dewmien ta’ Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki, iżda jinnota pereżempju li l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ma jwassal għal ebda dritt għar-rikonoxximent; f’dan il-kuntest, iwissi li m’għandux ikun hemm konfużjoni bejn l-istrumenti biex jinkiseb rikonoxximent minn naħa waħda u strumenti ta’ trasparenza min-naħa l-oħra; dan jista’ jkun il-każ bl-isforzi tal-Kummissjoni biex jinkiseb rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki li ma joħloqx diffikultajiet u garantit minn naħa għal oħra tal-fruntieri;

33.

itenni l-fehma b’saħħitha tiegħu li l-UE mhux biss teħtieġ tħajjar parti akbar mis-soċjetà biex tkompli l-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda teħtieġ wkoll tiġbed firxa usa’ tas-soċjetà, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli (4), u torganizza r-riżorsi biex twieġeb għal din l-isfida;

Nippromovu sforz kollaborattiv

34.

jisħaq dwar l-importanza li mill-bidu nett ikun hemm strateġija maqbula b’mod orizzontali u sostenibbli fil-proċess ta’ implimentazzjoni, u li tiżgura wkoll is-sinerġiji neċessarji bejn l-inizjattivi ewlenin kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020 li huma rilevanti, partikolarment l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, Żgħażagħ Attivi, Unjoni tal-Innovazzjoni, u Aġenda diġitali għall-Ewropa;

35.

iffakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom rwol importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkunsidra li huwa importanti li l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jiġu implimentati fi sħubija bejn il-livelli differenti tal-gvern sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 tagħti dak li hu mistenni; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni ideali biex jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-ksib ta’ dawn l-objettivi billi jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli, jiżguraw il-komunikazzjoni aħħarija u t-tqassim tal-informazzjoni permezz tan-netwerks tagħhom u jipprovdu d-data neċessarja għall-ippjanar u l-iżvilupp strateġiku futur;

36.

jisħaq dwar l-importanza ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas li joffru appoġġ, partikolarment lil gruppi żvantaġġati u vulnerabbli u jenfasizza l-ħtieġa għal azzjonijiet konsistenti, fuq perjodu twil u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jintlaħqu wkoll l-iskejjel f’żoni ġeografikament u soċjalment żvantaġġati ħalli jittejbu l-kwalità tat-tagħlim u r-riżultati tiegħu, u biex tiżdied l-aspirazzjoni fost iż-żgħażagħ;

37.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet ewlenin għall-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u għandhom rwol importanti fl-oqsma tal-politika taż-żgħażagħ u l-impjiegi. Fil-qasam tal-iżvilupp ta’ ħiliet transversali huwa importanti li fis-sistema edukattiva jitrawmu l-attitudnijiet u l-ħiliet taż-żgħażagħ biex jiksbu impjieg għal rashom permezz tal-iżvilupp ta’ kwalitajiet personali bħal pereżempju il-kreattività, ir-responsabbilità, it-teħid ta’ riskji, is-soluzzjoni tal-problemi u x-xogħol f’tim;

38.

jappoġġja approċċ fuq żewġ binarji – prijoritajiet għall-Istati Membri, u fl-istess ħin koordinazzjoni u kontributi fil-livell tal-UE, kif propost mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Jisħaq, fl-istess ħin, dwar il-bżonn għal azzjonijiet u miżuri adegwati u proprorzjonati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u Ewropew, b’konformità mal-prinċipju tas- sussidjarjetà fil-livelli formali, informali u mhux formali u li jkunu jinkludu l-edukazzjoni, il-familja u l-komunità mas-sħubijiet mhux biss bejn l-iskejjel u n-negozji, imma wkoll ma’ NGOs u tipi oħrajn ta’ organizzazzjonijiet fis-soċjeta ċivili;

39.

jissottolinja r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-valur miżjud tagħhom bħala attur u punt ta’ kuntatt bejn id-dinja tat-tagħlim u d-dinja tax-xogħol, u jinsisti dwar il-bżonn li jitnaqqas id-distakk bejn ir-reġjuni, inklużi dawk li jinsabu fir-reġjuni periferiċi u dawk ultraperiferiċi, u li jittejbu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ reġjonali u periferiċi; jenfasizza li l-gvern reġjonali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istituzzjonijiet edukattivi l-oħra u l-partijiet interessati ewlenin tal-ekonomija u s-soċjetà jistgħu jikkollaboraw b’mod siewi biex jilħqu ftehim dwar għanijiet, politiki u prijoritajiet dwar l-iżvilupp tal-kapital uman li jikkonċernaw ir-reġjun. L-istrutturi ta’ inċentiv għandhom jissaħħu biex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-persunal tagħhom jitħeġġu jieħdu sehem f’attivitajiet li huma ta’ benefiċċju għall-iżvilupp lokali u reġjonali u f’attivitajiet intraprenditorjali;

40.

ifakkar li huwa fil-livell sottonazzjonali li tista’ tinġabar l-aktar informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar is-swieq tax-xogħol reġjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol sinifikanti sabiex jidentifikaw id-diskrepanza fil-ħiliet, jipprovdu programmi adatti ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ taħriġ vokazzjonali, u jagħtu inċentiv għall-investiment bi tweġiba għad-domanda lokali;

41.

jenfasizza li l-probbabbiltà ta’ suċċess tikber jekk dawn l-oqfsa ta’ kooperazzjoni jiġu mfassla bħala ċirku virtuż fejn: l-għoti tat-taħriġ ma jinjorax il-bżonnijiet konkreti tal-industrija u/jew tal-kummerċ eżistenti. L-istituzzjonijiet tat-taħriġ qed jikkollaboraw mill-qrib mas-settur privat u b’hekk jinħolqu sinerġiji u mekkaniżmi ta’ feedback, u l-ħiliet imtejba tal-istudenti/adulti mħarrġa qed jiġu investiti mill-ġdid fir-riġenerazzjoni tat-territorju. Fir-rigward tal-istudenti żgħażagħ, it-titjib fil-livell tal-intrprenditorjat fuq perjodu twil ta’ żmien jista’ jiġi indirizzat permezz tal-iżvilupp ta’ “attitudni ta’ intraprenditorjat”;

42.

jemmen li huwa permezz tal-esperjenzi kreattivi u kollaborattivi fuq perjodu twil ta’ żmien li ż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet prinċipali sabiex isiru intraprendituri;

43.

itenni l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali li jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ mogħdijiet ġenwinament miftuħa mill-edukazzjoni vokazzjonali għall-edukazzjoni universitarja. Jappoġġja l-miżuri biex il-politiki tal-ETV jiġu allinjati mal-istrateġiji reġjonali/lokali għall-iżvilupp ekonomiku (jiġifieri għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, l-intraprenditorjat taż-żgħażagħ) u biex jiġu żviluppati sħubijiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju u r-riċerka;

44.

jinnota li f’xi Stati Membri l-edukazzjoni vokazzjonali tista’ tiġi stigmatizzata u meqjusa inferjuri għall-edukazzjoni f’università. Dan jeħtieġ jiġi indirizzat f’kull azzjoni fil-futur. Is-Sistema ta’ Tagħlim Personalizzat żviluppata fis-snin desgħin f’Poitiers hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba – il-persuni kienu trattati bħala individwi u kien żviluppat pjan għat-tagħlim tagħhom skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ pjani ta’ tagħlim maħsubin għal komunitajiet u timijiet qed isir dejjem aktar importanti. Jissottolinja li għandha tissaħħaħ ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja, imma wkoll dik tal-ETV, għas-suq tax-xogħol, u jinkoraġġixxi l-involviment ta’ dawk li jħaddmu u tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi. Fil-qosor, jeħtieġ li l-istudenti jkunu jistgħu jaraw il-vantaġġi tal-edukazzjoni vokazzjonali meta mqabbla ma’ forom oħrajn, f’dak li jirrigwarda, pereżempju, l-opportunitajiet għall-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet, u b’hekk l-edukazzjoni vokazzjonali ma tkunx tfisser li jkollhom problemi biex jimxu ’l quddiem jew saħansitra ma jkollhomx iċ-ċans jagħmlu progress;

45.

jitlob li dawn l-isforzi jsiru b’mod konġunt mal-awtorijiet lokali u reġjonali għaliex huwa f’dan il-livell fejn ta’ spiss jiġu identifikati għall-ewwel darba x-xejriet fil-ħiliet u l-impjiegi. Jissottolinja l-impenn tal-KtR biex jikkontribwixxi għall-allinjament tal-politiki tal-ETV mal-istrateġiji reġjonali/lokali għall-iżvilupp ekonomiku jiġifieri għall-ispeċjalizazzjoni intelliġenti;

46.

jenfasizza li l-potenzjal sħiħ tal-UE biex tiżviluppa pjattaforma ta’ appoġġ tal-IT u tas-servizzi tal-ICT fis-setturi pubbliċi u privati għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ, anke fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sħubijiet pubbliċi-privati appoġġjati mill-UE bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jkunu bażi eċċellenti li fuqha jinbnew il-ħiliet u l-għarfien lokali madwar l-UE. Jenfasizza l-potenzjal ta’ żvilupp addizzjonali f’dan il-qasam billi jiġu stabbiliti ċentri reġjonali għall-ICT, proġetti ta’ campus virtwali jew ċentri multimedjali għat-taħriġ;

47.

it-taħriġ għall-iżvilupp tal-ħiliet huwa għan li ta’ min ifaħħru. Iżda rridu noqogħdu attenti li ma jkunx hemm investiment fl-edukazzjoni biss biex tittejjeb il-produttività ekonomika fl-Ewropa. Ir-riżultat sfortunat ta’ dan l-approċċ jista’ jkun id-dgħajfien tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ li jiġu kkunsidrati bħala protounitajiet ekonomiċi u li jiġu definiti biss skont il-kapaċità tagħhom li jagħtu kontribut ekonomiku lis-soċjetà. F’dan il-kuntest, jistħoqqlu jiġi appoġġat l-investiment ugwali fil-kreattività, fil-ħiliet prattiċi tal-ħajja, fil-ħiliet trasversali, fl-edukazzjoni kulturali u fil-ħiliet kinestetiċi taż-żgħażagħ. Il-benefiċċji privati u pubbliċi tal-edukazzjoni jmorru lil hinn minn benefiċċji purament ekonomiċi. Pereżempju, l-ogħla livelli tal-edukazzjoni huma assoċjati ma’ stennija itwal tal-għomor, rata ogħla ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet, u attitudni li tappoġġja aktar id-drittijiet ugwali għall-minoritajiet etniċi;

48.

b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-miżuri jew l-azzjonijiet konkreti proposti jew adottati fil-livell tal-UE għandhom jiffokaw fuq dawk l-oqsma fejn hemm dimensjoni Ewropea b’saħħitha jew fejn huma involuti aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu regolati b’mod adatt mill-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu qed jaġixxu waħedhom;

49.

jissottolinja l-bżonn ta’ finanzjament u nfiq intelliġenti, effiċjenti u innovattiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex, fil-futur, dawn jirrispondu aħjar għad-domanda ta’ espansjoni u sostituzzjoni b’impjiegi li jitolbu livell għoli ta’ ħiliet, kif ukoll bil-għan li jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-impjieg taż-żgħażagħ, u jinsisti li l-iżvilupp tal-politiki u l-implimentazzjoni tal-programmi għandhom jagħmlu użu mill-korpi lokali eżistenti eletti b’mod demokratiku. Iqis li l-użu tal-għarfien lokali u r-responsabbiltà demokratika ser itejbu l-mekkaniżmi ta’ governanza għal sħubijiet bejn l-università, in-negozju u l-gvern lokali. Dan ser jippermetti li jiġu stabbiliti prijoritajiet u assenjati responsabbiltajiet fil-livell lokali b’rabta diretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

50.

jenfasizza l-benefiċċji tal-ħolqien ta’ sħubijiet lokali b’saħħithom billi tiġi adottata viżjoni sistematika u l-opportunitajiet ta’ finanzjament differenti jiddaħħlu fi strateġija lokali jew reġjonali unika. Din l-istrateġija tkun tista’ tqis alternattivi ta’ politiki differenti għall-implimentazzjoni fil-livell lokali jew reġjonali:

żvilupp ta’ intelliġenza għall-interventi strateġiċi sabiex jiġu identifikati u sorveljati b’mod permanenti l-adattabilità, il-bżonnijiet u l-kwalità tal-forza tax-xogħol lokali (eż. osservatorju tal-ħiliet);

kooperazzjoni mas-settur tan-negozju biex jitfassal taħriġ vokazzjonali adattat għall-ħtiġijiet tas-suq u biex jitfassal taħriġ apposta skont l-ambjent kummerċjali;

kooperazzjoni mal-aġenti lokali (edukattivi u tat-taħriġ), pereżempju biex jingħata inċentiv liċ-ċentri lokali tal-edukazzjoni u t-taħriġ u lill-aġenziji lokali tax-xogħol għall-introduzzjoni ta’ tekniki edukattivi ġodda fit-tagħlim elettroniku, għat-titjib tal-litteriżmu medjatiku u l-multilingwiżmu, u biex jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol indaqs lill-popolazzjoni li hija soċjalment żvantaġġata;

kooperazzjoni mas-setturi tal-edukazzjoni u tan-negozju (mill-edukazzjoni primarja sal-edukazzjoni għolja) sabiex jiġi żgurat proċess kontinwu għat-tagħlim tal-lingwi. L-għażla tal-lingwi tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-bżonnijiet identifikati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konsultazzjoni mad-dinja tan-negozju;

tfittxija ta’ appoġġ lill hinn mir-reġjun bl-għaqda tal-forzi flimkien mar-reġjuni li jiffaċċjaw problemi simili u bl-użu tal-finanzjament tal-UE;

Kwalunkwe strateġija bħal din għandha tkun imsejsa sew fuq it-tliet għanijiet ġenerali relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ: l-istinkar għall-eċċellenza, l-iżgurar ta’ aċċess universali u li jiġi limitat in-numru ta’ każijiet ta’ tluq bikri mill-iskola;

51.

jitlob għall-involviment sistematiku u kontinwu tal-atturi lokali u reġjonali, inklużi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, fil-pjattaforma tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, u fl-iżvilupp tal-pjani integrati ta’ żvilupp lokali/reġjonali;

52.

jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-attivitajiet lokali u reġjonali u fl-istess ħin jistenna bil-ħerqa li jara proposti aktar speċifiċi mill-Kummissjoni Ewropea dwar kif jista’ effettivament jitnaqqas id-distakk bejn il-potenzjal tal-ICTs u Riżorsi Edukattivi Miftuħa fuq naħa waħda, u s-sistemi eżistenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ fuq in-naħa l-oħra; jirrikonoxxi li r-riżorsi tal-edukazzjoni miftuħa jistgħu jikkomplementaw b’mod siewi r-riżorsi tal-edukazzjoni konvenzjonali; għad irid jiġi ċċarat kif tista’ tiġi assigurata garanzija tal-kwalità kontinwa u komprensiva dwar il-kontenut tar-riżorsi tal-edukazzjoni miftuħa, b’tali mod li r-riżorsi joffru valur miżjud lill-għalliema;

53.

il-KtR iqis li għandha tingħata aktar importanza lir-“rwol distint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu bħala impjegaturi, fornituri ta’ servizzi u regolaturi fil-promozzjoni tat-tkabbir u l-koeżjoni u fil-koordinazzjoni tas-sħubijiet strateġiċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-aġenziji tal-intrapriżi u l-intrapriżi fir-reġjuni rispettivi tagħhom”. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jieħdu sehem dejjem akbar fil-politiki dwar l-edukazzjoni però ma jeżisti l-ebda approċċ universali li jista’ jiggarantixxi t-titjib tal-prestazzjoni edukattiva. Fi kliem aktar speċifiku, għalkemm bħalissa hemm biżżejjed għarfien biex jiġu ggwidati d-deċiżjonijiet (il-kwalità tal-għalliema, l-indipendenza istituzzjonali u r-riżorsi fost l-aktar importanti), l-għażliet għall-awtoritajiet lokali u reġjonali jiddependu mill-karatteristiċi soċjoekonomiċi tagħhom, l-awtonomija tagħhom fir-rigward tas-sistema nazzjonali u l-prestazzjoni (u r-reputazzjoni) tagħhom fil-passat fil-qasam tal-edukazzjon u t-taħriġ;

54.

ifakkar li huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom kuntatt dirett u l-aħjar fehim tar-realtajiet fil-lokal, u li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politiki u l-implimentazzjoni tal-programmi f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

55.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tinvolvi l-partijiet interessati biex tmexxi ’l quddiem l-istrateġija proposta għar-“Reviżjoni tal-Edukazzjoni” fi sforz konġunt għal riforma u jafferma l-interess tiegħu biex titkompla l-ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u msieħba oħrajn fil-qasam. Din il-kooperazzjoni għandha tkopri l-oqsma kollha fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbilitajiet speċifiċi, inklużi, imma mhux limitati għall-allinjament tal-politki tal-ETV mal-istrateġiji reġjonali/lokali għall-iżvilupp ekonomiku li diġà jissemmew fil-Komunikazzjoni.

Brussell, 12 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2012) 669 final.

(2)  CdR 290/2011.

(3)  Komunikazzjoni bil-lingwa materna; komunikazzjoni bil-lingwi barranin; kompetenza fil-matematika u l-ħiliet bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija; kompetenza diġitali; it-tagħlim dwar kif titgħallem; il-kompetenzi soċjali u ċiviċi; is-sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija; l-għarfien u l-espressjoni kulturali.

(4)  CdR290/2011.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-100 Sessjoni Plenarja tal-11 u t-12 ta’ April 2013

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 139/59


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn”

2013/C 139/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

itenni l-bżonn ta’ approċċ Ewropew għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq l-objettiv li stabbilixxiet l-Unjoni Ewropea stess fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 li mill-inqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sal-2020;

jirrikonoxxi l-bżonn li tinbidel il-bażi legali tal-programm (Artikolu 174 tat-TFUE) iżda jissuġġerixxi li tintuża bażi legali doppja mill-2014 ’il quddiem, waqt li ssir referenza wkoll għall-Artikolu 39 tat-TFUE sabiex tinżamm il-kontinwità u r-rabta mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni;

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tmur lil hinn mill-objettiv bażiku tal-programm attwali għall-persuni l-aktar fil-bżonn għax jemmen li l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, flimkien ma’ miżuri li jnaqqsu l-faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta’ dar, u b’koordinazzjoni mal-FSE, ser ikunu opportunità sabiex jitwettqu attivitajiet multifunzjonali u fl-istess waqt jiġu indirizzati l-problemi li bdew ħerġin fir-rigward tal-bosta ħtiġijiet bażiċi;

jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-possibbiltà li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

jirrifjuta l-prinċipju ta’ parteċipazzjoni fuq bażi volontarja tal-Istati Membri peress li prinċipju bħal dan jista’ jċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-aċċess għall-fond mingħajr ma jkun hemm mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni parteċipattiva u demokratika fil-livell nazzjonali jew Ewropew u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fil-livell sottonazzjonali;

jemmen li fir-reġjuni milquta mill-kriżi finanzjarja u r-reġjuni ta’ koeżjoni, il-finanzjament tal-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn mill-baġit tal-Komunità huwa ġustifikat bħala simbolu ta’ koeżjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej, ir-reġjuni u l-persuni;

jemmen li l-ammont ta’ finanzjament propost huwa baxx wisq u li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet ser ikompli jitnaqqas b’mod sinifikanti (b’30 % skont il-proposta tal-Kummissjoni u b’40 % skont il-proposta tal-Kunsill) u jitob tal-anqas li jinżamm il-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet.

Relatur

Is-Sur Ossi MARTIKAINEN (FI/ALDE), President tal-Kunsill Muniċipali ta’ Lapinlahti

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

COM(2012) 617 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

itenni l-bżonn ta’ approċċ Ewropew għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħaq l-objettiv li stabbilixxiet l-Unjoni Ewropea stess fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 li mill-inqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sal-2020. Dan l-objettiv isir aktar akut fid-dawl tal-fatt li fl-2011, 119,6 miljun persuna kienu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, jiġifieri 6 miljun persuna aktar mill-2009. Dan it-tbegħid mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 jagħmilha aktar diffiċli li wieħed jifhem id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 fejn ippropona li jnaqqas b’EUR 1 biljun il-baġit allokat għall-għajnuna Ewropea għal dawk l-aktar fil-bżonn;

2.

jirrikonoxxi l-bżonn li tinbidel il-bażi legali tal-programm (Artikolu 174 tat-TFUE) iżda jissuġġerixxi li tintuża bażi legali doppja mill-2014 ’il quddiem, waqt li ssir referenza wkoll għall-Artikolu 39 tat-TFUE sabiex tinżamm il-kontinwità u r-rabta mal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni;

3.

jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-tfassil ta’ strateġija effikaċi ta’ għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn;

4.

jikkritika n-nuqqas ta’ konsistenza tal-proposta tal-Kummissjoni mal-Istrateġija Ewropa 2020 peress li l-proposta tonqos milli tirreferi għall-indikatur tan-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar minkejja li dan huwa wieħed mit-tliet indikaturi użati fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi evalwat l-objettiv Ewropew fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u tat-tnaqqis tal-faqar;

5.

jifhem u jqis importanti li l-Kummissjoni 1) proponiet bażi leġislattiva ġdida li tevita l-kunflitt li ħolqot il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-akkwist tal-prodotti tal-ikel fis-suq u 2) fasslet programm ġdid b’funzjonijiet iktar mifruxa li joħloq qafas li fuqu jistgħu jkomplu jingħataw il-miżuri ta’ għajnuna, u li fl-istess waqt jiżgura li r-riżultati ta’ dawn il-miżuri jkunu iktar effettivi u sostenibbli;

6.

jemmen li l-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, flimkien ma’ miżuri li jnaqqsu l-faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta’ dar, u b’koordinazzjoni mal-FSE, ser ikunu opportunità sabiex jitwettqu attivitajiet multifunzjonali u fl-istess waqt jiġu indirizzati l-problemi li bdew ħerġin fir-rigward tal-bosta ħtiġijiet bażiċi;

7.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tmur lil hinn mill-objettiv bażiku tal-programm attwali għall-persuni l-aktar fil-bżonn iżda jibża’ ħafna li l-lista estiża tal-aspetti tal-faqar li suppost għandu jindirizza l-fond il-ġdid għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn, ser ittaffi biss l-impatt finali tiegħu, partikolarment peress li l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew tfisser li hemm possibbiltà li r-riżorsi jitnaqqsu bi kważi 30 % (EUR 3,5 biljun għall-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-2007-2013 u EUR 2,5 biljun fl-2014-2020);

8.

jindika li ħafna drabi, il-proċeduri amministrattivi tal-FSE wrew li huma ta’ piż għall-partijiet interessati, għalhekk fir-rigward tal-istrument il-ġdid li għandu l-għan li jaqdi l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-UE, iħeġġeġ li tiġi evitata regolamentazzjoni f’ħafna dettall mingħajr bżonn;

9.

jemmen li billi l-kriżi ekonomika għadha għaddejja, l-istrument li jassisti l-persuni l-aktar fil-bżonn m’għandux jieħu mir-riżorsi tal-FSE iżda jirrikjedi l-finanzjament fit-tul tiegħu bl-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet meħtieġa minn intestatura 2 tal-qafas finanzjarju pluriennali;

10.

jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-possibbiltà li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni tal-għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn u jemmen li dan ir-rwol attiv jista’ jnaqqas il-piżijiet u l-proċeduri amministrattivi fil-livell nazzjonali u tal-UE, billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-attivitajiet tagħhom jużaw proċeduri u regoli tal-awditjar żviluppati tajjeb u bbażati fuq il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-UE;

11.

ifakkar fl-istrateġija tal-WHO intitolata Health 21 – Health for All in the 21st Century (Is-Saħħa 21 – is-Saħħa għal Kulħadd fis-Seklu 21) li tenfasizza l-bżonn urġenti li jonqsu l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni kollha. B’mod parallel, il-WHO tappella sabiex jittieħdu għadd ta’ miżuri li jindirizzaw partikolarment lill-persuni l-aktar fil-bżonn u li jbatu minn saħħa ħażina u sabiex jiġu indirizzati s-servizzi inadegwati tas-saħħa kif ukoll l-iżvantaġġi sanitarji u soċjali (punt II tal-preambolu tad-Dikjarazzjoni tal-WHO bl-isem Health 21 (Is-Saħħa 21), adottata matul il-51 assemblea tal-organizzazzjoni);

12.

jinnota li minkejja li l-programm tal-għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn, fil-forma l-ġdida tiegħu huwa marbut ma’ strumenti ta’ integrazzjoni soċjali u solidarjetà oħra, l-isfond u l-attivitajiet preċedenti tiegħu bħala parti mill-PAK kienu ġustifikati għal kollox billi essenzjalment il-PAK tfittex li tiżgura biżżejjed ikel u ikel affordabbli għaċ-ċittadini tal-UE (Artikolu 39(1)(e)) u sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista (Artikolu 39(1)(d));

13.

jemmen għalhekk li l-programmi l-ġodda għandu jibqa’ jkollhom il-possibbiltà li jużaw kwalunkwe fdal ta’ prodotti agrikoli li jista’ jakkumula (stokkijiet ta’ intervent). L-użu ta’ dan il-fdal madankollu m’għandux jitnaqqas mill-baġit tal-fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn;

14.

jemmen li huwa importanti li l-leġislazzjoni proposta tagħti lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sett ċar ta’ regoli u l-possibbiltà li jindirizzaw kwalunkwe problema, billi dan il-qasam ta’ attività huwa sensittiv ħafna mil-lat tal-fiduċja tal-pubbliku u l-leġittimità tal-UE. F’bosta Stati Membri u r-reġjuni tagħhom, jeżistu fehmiet differenti dwar il-bżonn, it-tħaddim u r-riżultati ta’ dan il-qasam ta’ attività;

15.

jirrifjuta l-prinċipju ta’ parteċipazzjoni fuq bażi volontarja tal-Istati Membri peress li prinċipju bħal dan jista’ jċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-aċċess għall-fond mingħajr ma jkun hemm mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni parteċipattiva u demokratika fil-livell nazzjonali jew Ewropew u mingħajr ma jitqiesu l-isfidi tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni fil-livell sottonazzjonali;

16.

jemmen li fil-każ tar-reġjuni milquta mill-kriżi ekonomika u r-reġjuni ta’ koeżjoni, il-programm għandu jiġi finanzjat kollu kemm hu mill-fondi tal-UE;

17.

jitlob lill-istituzzjonijiet jikkunsidraw li l-kofinanzjament jista’ jirriżulta f’li l-istrument ma jiġix introdott, minkejja li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ ħafna reġjuni turi li strument bħal dan huwa neċessarju;

18.

B’konformità mal-opinjoni preċedenti tiegħu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tevalwa jekk l-approprjazzjonijiet allokati għal din il-miżura humiex suffiċjenti u jindika li l-livell preċedenti ta’ finanzjament diġà kien inadegwat (EUR 500 miljun fis-sena); għal bosta raġunijiet dan il-bżonn kompla jikber li jfisser li l-ammont ta’ finanzjament propost huwa baxx wisq u li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet ser ikompli jitnaqqas b’mod sinifikanti (b’30 % skont il-proposta tal-Kummissjoni u b’40 % skont il-proposta tal-Kunsill). Il-Kumitat jitob tal-anqas li jinżamm il-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet;

L-ispjegazzjonijiet dettaljati u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tal-Kumitat

19.

jagħraf li dieta suffiċjenti, varjata u tajba hija dritt bażiku affermat f’bosta ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan id-dritt għandu jiġi żgurat għaċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, fil-livelli kollha;

20.

jindika li nutrizzjoni ħażina fost il-persuni l-aktar fil-bżonn ġejja minn bosta fenomeni differenti u marbuta bħal:

tendenzi demografiċi u tibdil globali fis-suq tal-prodotti agrikoli u l-politika tal-agrikoltura u tal-kummerċ;

dgħufijiet fis-suq intern fil-qasam tal-prodotti agrikoli u nuqqas ta’ trasparenza fil-katina tal-valur tal-ikel;

inqas art adatta għall-produzzjoni tal-ikel u użu eċċessiv tal-art għall-produzzjoni tal-għelejjel għall-enerġija;

miżuri speċifiċi tal-UE u ostakli burokratiċi li jfixklu l-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli għall-użu proprju jew il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fuq skala żgħira;

tibdil strutturali f’bosta żoni rurali;

l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impjieg u l-kapaċità tal-akkwist;

il-qgħad u għalhekk il-faqar iktar mifrux tal-familji u tat-tfal;

l-instabbiltà fir-reġjuni tal-viċinat;

21.

jemmen li sabiex tinstab soluzzjoni effettiva għal dawn il-problemi mifruxa u varjati, hemm bżonn politiki u finanzjament tal-UE effettivi;

22.

jemmen li l-iżgurar ta’ dieta varjata u adegwata għaċ-ċittadini tal-UE għandu jibqa’ funzjoni prinċipali bażika tal-PAK. Il-Kumitat isejjaħ għal riforma tal-politika agrikola sabiex l-ipprezzar tal-ikel fis-suq ikun trasparenti u l-produzzjoni agrikola primarja tibqa’ tħalli qligħ fir-reġjuni kollha tal-UE;

23.

jemmen li minkejja li t-tendenzi fis-suq, l-iżvilupp tar-rendimenti dawn l-aħħar snin u t-tibdil fit-tendenzi tal-konsum naqqsu l-ammont ta’ prodotti agrikoli li jkun fadal, fil-ġejjieni dawn jistgħu jkomplu jinġabru. Li dawn ikomplu jintużaw bħala għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn huwa importanti għal-leġittimità tal-UE;

24.

jenfasizza li punt 12 jista’ jiġi ġustifikat mill-fatt li l-PAK mill-bidu nett kienet waħda mill-oqsma prinċipali tal-politika tal-UE u hekk ser tibqa’. Jekk tiġi inkorporata fil-bażi leġislattiva tal-istrument il-ġdid (bażi leġislattiva doppja), nistgħu niżguraw li l-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn tkompli tingħata fuq perjodu twil minkejja l-fatt li l-isfidi attwali jistgħu jimponu piż fit-tul fuq il-finanzjament tal-politiki l-oħra tal-UE, bħall-koeżjoni soċjali;

25.

jindika li s-sitwazzjoni soċjoekonomika tar-reġjuni Ewropej tvarja fl-Istati Membri u jemmen li l-programm propost huwa meħtieġ biex jikkomplementa l-miżuri tal-koeżjoni Ewropea u s-solidarjetà li jwettqu l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Għalhekk il-programm propost huwa bbażat fuq is-sett ta’ valuri komuni tal-UE u l-idea fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea;

26.

iħoss li huwa importanti li l-għanijiet differenti jinġabru fil-qafas tal-fond il-ġdid bil-għan tal-prevenzjoni tal-kawżi tal-faqar u l-esklużjoni, billi n-nuqqas ta’ dar, in-nutrizzjoni ħażina u l-privazzjoni tal-familji bit-tfal għandhom impatt fuq xulxin. Il-Kumitat jinnota madanakollu, li minkejja li l-programmi li ġew qabel dan l-istrument iffukaw fuq in-nutrizzjoni, huwa ċar li n-nutrizzjoni reġgħet saret problema ġenwina u permanenti f’bosta reġjuni. Konsegwentement jitlob lill-Istati Membri u r-reġjuni jenfasizzaw l-importanza tal-għajnuna alimentari fl-implimentazzjoni tal-programmi u abbażi ta’ dan jgħinu liċ-ċittadini biex jibbenefikaw mill-programmi u l-miżuri li jtaffu n-nuqqas ta’ dar u l-esklużjoni soċjali;

27.

jinnota li l-punti 16-18 huma bbażati fuq il-fatt li:

Fir-reġjuni l-iktar milquta, il-finanzjament tal-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn mill-baġit tal-Komunità huwa ġustifikat bħala simbolu ta’ koeżjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej, ir-reġjuni u l-persuni.

L-idea ta’ kofinanzjament għall-istrument propost tista’ titqies minn żewġ angoli. Minn naħa, f’ċerti każijiet, permezz tal-kofinanzjament il-programmi jistgħu jkunu iktar effettivi u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jistgħu jkunu iktar impenjati favurihom, min-naħa l-oħra l-kofinanzjament jista’ jnaqqas l-interess fl-involviment fil-programmi u b’hekk jonqsu wkoll l-opportunitajiet li hemm bżonn f’ħafna reġjuni. Il-KtR jenfasizza li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali, dan l-aħħar xenarju huwa iktar probabbli u għalhekk jitlob lill-istituzzjonijiet sabiex jerġgħu jikkunsidraw rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 %.

Tkun soluzzjoni limitata li l-livell attwali ta’ approprjazzjonijiet jitnaqqas b’30-40 %, billi fis-segwitu tal-programm preċedenti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn u fir-rapporti tal-laqgħat tal-partijiet interessati, ġie suġġerit li hemm bżonn ta’ livell ta’ approprjazzjoni ta’ madwar EUR 680 miljun kull sena. Dan ifisser li l-ammont ta’ finanzjament addizzjonali li hemm bżonn huwa sostanzjali u kważi daqs it-tnaqqis pjanat fil-livell attwali ta’ finanzjament.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Preambolu

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(3) u l-Artikolu 39(1) tiegħu,

Raġuni

Ir-raġunar huwa indikat fil-punti 2 u 12 tal-ewwel parti tal-Opinjoni (Rakkomandazzjonijiet ta’ Politika).

Emenda 2

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sabiex tistabbilixxi qafas finanzjarju xieraq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, analiżi annwali tar-riżorsi globali skont l-Istat Membru permezz ta’ metodu oġġettiv u trasparenti li jirrifletti d-differenzi f’termini ta’ faqar u ta’ privazzjoni materjali.

Sabiex tistabbilixxi qafas finanzjarju xieraq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, analiżi annwali tar-riżorsi globali skont l-Istat Membru permezz ta’ metodu oġġettiv u trasparenti li jirrifletti d-differenzi f’termini ta’ faqar u ta’ privazzjoni materjali, inkluż il-livell ta’ faqar relattiv.

Raġuni

Peress illi l-faqar relattiv huwa indikatur użat fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-Eurostat, għandu jintuża wkoll mill-fond il-ġdid.

Emenda 3

Premessa ġdida wara Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Sabiex il-bżonnijiet tal-persuni l-aktar fil-bżonn jiġu indirizzati kemm jista’ jkun b’mod effettiv u adegwat u b’konsistenza mal-Qafas Strateġiku Komuni, il-prinċipju tas-sħubija għandu japplika għall-istadji kollha tal-fond.

Emenda 4

Premessa 35

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-frekwenza tal-eżerċizzji ta’ awditjar fuq l-operazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell ta’ sostenn tal-Unjoni mill-Fond. B’mod partikolari, l-għadd ta’ verifiki mwettqa għandu jitnaqqas fejn it-total tan-nefqa eliġibbli għal operazzjoni ma tkunx taqbeż il-EUR 100 000. Madankollu, għandu jkun possibbli li jsiru eżerċizzji ta’ awditjar fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm evidenza ta’ irregolarità jew ta’ frodi, jew bħala parti minn kampjun ta’ awditjar. Sabiex il-livell tal-awditjar mill-Kummissjoni jkun proporzjonali għar-riskju, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-ħidma ta’ awditjar fir-rigward tal-programmi operazzjonali fejn ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinfikanti jew fejn l-awtorità tal-awditjar tkun affidabbli. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzji ta’ awditjar għandu jikkunsidra bis-sħiħ l-objettiv u l-karatteristiċi tal-popolazzjonijiet fil-mira tal-Fond.

Il-frekwenza tal-eżerċizzji ta’ awditjar fuq l-operazzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-livell ta’ sostenn tal-Unjoni mill-fond. B’mod partikolari, l-għadd ta’ verifiki mwettqa għandu jitnaqqas fejn it-total tan-nefqa eliġibbli għal operazzjoni ma tkunx taqbeż il-EUR 100 000. Madankollu, għandu jkun possibbli li jsiru eżerċizzji ta’ awditjar fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm evidenza ta’ irregolarità jew ta’ frodi, jew bħala parti minn kampjun ta’ awditjar. Sabiex il-livell tal-awditjar mill-Kummissjoni jkun proporzjonali għar-riskju, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-ħidma ta’ awditjar fir-rigward tal-programmi operazzjonali fejn ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinfikanti jew fejn l-awtorità tal-awditjar tkun affidabbli. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzji ta’ awditjar għandu jikkunsidra bis-sħiħ l-objettiv u l-karatteristiċi tal-popolazzjonijiet fil-mira tal-fond. Hija u tiġi valutata l-ħtieġa tal-awditjar, jeħtieġ li għal kull miżura jitqiesu wkoll il-prattiki u l-poteri pubbliċi tal-awditjar li ġew żviluppati u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà jistgħu japplikaw għall-miżuri li jieħdu u l-azzjonijiet li jappoġġjawhom. Bl-istess mod, jeħtieġ li jitqies ukoll jekk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet imsieħba li qed iwettqu xi miżura, jistgħux jaqgħu taħt l-iskop tal-finanzjament pubbliku u l-prattiki assoċjati ta’ awditjar, u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni u l-esperjenza li għandha.

Emenda 5

Artikolu 4(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Fond għandu jappoġġja skemi nazzjonali ta’ sostenn fejn prodotti tal-ikel u prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew tat-tfal mingħajr dar jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ organizzazzjonijiet imsieħba magħżula mill-Istati Membri.

Il-fond għandu jappoġġja skemi nazzjonali ta’ sostenn li, bil-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiżguraw fejn prodotti tal-ikel tajbin għas-saħħa u varjati kemm jista’ jkun u prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew tat-tfal mingħajr dar jitqassmu lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ organizzazzjonijiet imsieħba magħżula mill-Istati Membri.

Emenda 6

Artikolu 5(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Is-sostenn mill-Fond għandu jiġi implimentat b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Is-sostenn mill-Fond għandu jiġi implimentat jitqassam b’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, u l-Istati Membri, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati u l-organizzazzjonijiet imsieħba kkonċernati sabiex jiġi massimizzat l-impatt tiegħu.

Raġuni

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġislattiva tistabbilixxi fl-Anness II (paġna 3) it-tliet sistemi diversi ta’ ġestjoni għall-programm tal-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn identifikati fl-Istati Membri tal-UE, li wħud minnhom jinvolvu direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet imsieħba li huma iktar qrib tal-benefiċjarji.

Emenda 7

Artikolu 5(6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni mal-Fond Soċjali Ewropew, u mal-politiki u l-istrumenti l-oħra tal-Unjoni.

Skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni mal-Fond Soċjali Ewropew, u mal-politiki u l-istrumenti l-oħra tal-Unjoni, partikolarment mal-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-politika tas-saħħa bħal, pereżempju, it-Tielet Programm ta’ Azzjoni Pluriennali tal-UE dwar is-saħħa għall-2014-2020.

Raġuni

Fl-Opinjoni tiegħu CdR 67/2012 dwar il-programm ta’ azzjoni dwar is-saħħa, il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza li “politika tas-saħħa sostenibbli għandha dejjem tikkunsidra l-fatturi l-oħra relatati mal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, bħal pereżempju l-kundizzjonijiet soċjali, l-istil ta’ ħajja, il-kultura, l-edukazzjoni, l-aspetti relatati mal-ambjent u l-istrutturi soċjali.”

Emenda 8

Artikolu 5(8)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja tal-Fond, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-effikaċja tal-fond, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni kif ukoll permezz ta’ konsultazzjoni mill-qrib u regolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet imsieħba li jimplimentaw il-miżuri tal-fondi fil-valutazzjonijiet tal-impatt.

Emenda 9

Artikolu 5 punt ġdid wara punt 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

It-Tipoloġija Ewropea tal-Persuni Mingħajr Dar u l-Esklużjoni Abitattiva (ETHOS) tista’ tkun wieħed mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fond.

Raġuni

Il-perċezzjoni u l-approċċ lejn il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-esklużjoni abitattiva jvarjaw bejn il-pajjiżi diversi tal-UE. It-tipoloġija tal-ETHOS tfasslet abbażi ta’ analiżi fil-fond tad-definizzjonijiet nazzjonali attwali u r-realtà ta’ kuljum li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tal-karità.

Emenda 10

Artikolu 5 punt ġdid wara (12)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet imsieħba jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel f’kull fażi tal-katina tad-distribuzzjoni, inkluż l-għoti tal-ikel u l-edukazzjoni tal-benefiċjarji għal dan il-għan.

Raġuni

Bħalma appella l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2012, il-ħela tal-ikel għandha tkun kwistjoni tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min jinnota li l-Kummissjoni tistma li l-ħela tal-ikel tul il-katina tal-provvista kollha hija ta’ madwar 190 kg fis-sena għal kull persuna Ewropea. Il-passi li jittieħdu biex tiġi miġġielda l-ħela jistgħu jinvolvu: il-kjarifika ta’ xi tikkettar relatat mas-saħħa li hu marbut mal-leġislazzjoni tal-UE u li jidher fuq il-prodotti agrikoli u tal-ikel, pereżempju d-dati ta’ skadenza u ta’ “uża qabel”; reviżjoni tar-regolamenti Ewropej dwar l-istandards fil-kummerċjalizzazzjoni (b’mod partikolari fil-qasam tal-frott u l-ħaxix) sabiex jiġi promoss il-bejgħ ta’ frott u ħaxix mhux ikklassifikat; u l-obbligu tal-katini tas-supermarkits li jagħtu b’donazzjoni ikel li ma jkunx inbiegħ.

Emenda 11

Artikolu 6(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Ir-riżorsi globali disponibbli għall-impenn baġitarju mill-Fond għall-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu ta’ EUR 2 500 000 000 skont il-prezzijiet tal-2011, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

Ir-riżorsi globali disponibbli għall-impenn baġitarju mill-fond għall-perjodu 2014-2020 għandhom ikunu ta’ EUR 2 500 000 000 3 500 000 000 skont il-prezzijiet tal-2011, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

Emenda 12

Artikolu 6(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-analiżi annwali tar-riżorsi globali għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 84 (5) tar-Regolament (UE) Nru… (CPR), mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi li ġejjin stabbiliti mill-Eurostat: 3.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tistabbilixxi l-analiżi annwali tar-riżorsi globali għal kull Stat Membru, skont l-Artikolu 84 (5) tar-Regolament (UE) Nru… (CPR), mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi li ġejjin stabbiliti mill-Eurostat: 3.

 

(a)

il-livell limitu ta’ faqar relattiv ikun il-perċentwali tal-popolazzjoni li tgħix fi djar bi dħul tal-anqas daqs 60 % tad-dħul medjan nazzjonali;

(a)

il-popolazzjoni li tbati minn privazzjoni materjali severa;

(a) (b)

il-popolazzjoni li tbati minn privazzjoni materjali severa;

(b)

il-popolazzjoni li tgħix fi djar b’intensità tax-xogħol vera baxxa.

(b) (c)

il-popolazzjoni li tgħix fi djar b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna.

Emenda 13

Artikolu ġdid wara l-Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ:

1.

L-Istati Membri għandhom iwaqqfu kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ biex jassiguraw implimentazzjoni effikaċi tal-Programm Operattiv tagħhom.

2.

Dan il-kumitat nazzjonali ta’ monitoraġġ jinkorpora l-awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jikkumbattu l-faqar u jistabbilixxi sħubija mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-persuni fil-bżonn u l-organizzazzjonijiet involuti fid-distribuzzjoni tal-għajnuna għall-persuni fil-bżonn.

Emenda 14

L-Artikolu 15 punt ġdid wara (3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta valutazzjoni intermedja tal-fond qabel Marzu 2018 u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Emenda 15

Artikolu 17(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Matul l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sostenn mill-Fond billi jqiegħdu mill-inqas poster wieħed b’informazzjoni dwar l-operazzjoni (daqs minimu ta’ A3), inkluż dwar is-sostenn finanzjarju mill-Unjoni, f’post faċilment viżibbli għall-pubbliku, f’kull post fejn jiġi pprovdut l-ikel, il-prodotti u kull miżura ta’ sostenn, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli minħabba ċ-ċirkostanzi tad-distribuzzjoni.

Dawk il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba li għandhom websajts għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni qasira tal-operazzjoni, inklużi l-għanijiet u r-riżultati tagħha, u jenfasizzaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

Matul l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni, il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba għandhom jinfurmaw lill-pubbliku dwar is-sostenn li jinkiseb fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-ikel u l-oġġetti b’mod kompatibbli mal-prattiki u ċ-ċirkustanzi ta’ distribuzzjoni tagħhom, bħal pereżempju posters jew fuljetti li jippreżentaw l-attività u l-appoġġ li nkiseb għaliha mill-Unjoni Ewropea u tiġi provduta informazzjoni dwar kif jistgħu jinkisbu miżuri oħra li jappoġġjaw l-istess għan; dan jista’ jsir bl-użu ta’ mekkaniżmi li jinkludu l-informazzjoni, direzzjoni u l-proċessi ta’ inklużjoni soċjoprofessjonali, imfassla sabiex itemmu l-faqar interġenerazzjonali. mill-Fond billi jqiegħdu mill-inqas poster wieħed b’informazzjoni dwar l-operazzjoni (daqs minimu ta’ A3), inkluż dwar is-sostenn finanzjarju mill-Unjoni, f’post faċilment viżibbli għall-pubbliku, f’kull post fejn jiġi pprovdut l-ikel, il-prodotti u kull miżura ta’ sostenn, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli minħabba ċ-ċirkostanzi tad-distribuzzjoni.

Dawk il-benefiċjarji u l-organizzazzjonijiet imsieħba li għandhom websajts għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni qasira tal-operazzjoni, inklużi l-għanijiet u r-riżultati tagħha, u jenfasizzaw l-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni.

Raġuni

L-emenda ttejjeb it-test oriġinali billi testendi l-approċċ tal-informazzjoni ġenerali għal kull tip ta’ miżura li tappoġġja l-għan li jrid jintlaħaq bl-effett li tinkludi strumenti oħra għat-titjib tal-kundizzjonijet fl-istrutturi tas-servizzi pubbliċi. L-għan huwa li d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-ikel isservi ta’ forum għall-parteċipazzjoni attiva ta’ dawk milquta f’riżorsi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjal u l-impjieg.

Emenda 16

Artikolu 21(3) l-ewwel inċiż

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-ikel u l-prodotti għall-persuni jew għat-tfal mingħajr dar jistgħu jinxtraw mill-organizzazzjonijiet imsieħba nfushom.

L-ikel u l-prodotti għall-persuni jew għat-tfal mingħajr dar għall-benefiċjarji finali jistgħu jinxtraw mill-organizzazzjonijiet imsieħba nfushom.

Raġuni

Il-fond huwa mmirat lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Din hija kategorija ta’ nies li tmur oltre l-persuni jew tfal mingħajr dar biss. Fost oħrajn, l-Artikolu 2(1) u (7) u l-Artikoli 3 u 21(4), jirreferu b’mod speċifiku għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. B’hekk, din l-emenda tfittex li toħloq aktar konsistenza fir-Regolament.

Emenda 17

Artikolu 24(1)(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(a)

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel, u ta’ prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew ta’ tfal mingħajr dar;

(a)

l-ispejjeż tax-xiri tal-ikel, u ta’ prodotti bażiċi għall-konsumatur għall-użu personali ta’ persuni jew ta’ tfal mingħajr dar tal-benefiċjarji finali;

Raġuni

Ir-raġuni hija l-istess waħda li ngħatat għall-emenda 16.

Emenda 18

Artikolu 24(1)(b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

meta korp pubbliku jixtri l-ikel jew il-prodotti bażiċi tal-konsumatur għall-użu personali tal-persuni jew ta’ tfal mingħajr dar u jipprovdihom lill-organizzazzjonijiet imsieħba, l-ispejjeż tat-trasport tal-ikel jew ta’ prodotti lill-imħażen tal-organizzazzjonijiet imsieħba b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a);

(b)

meta korp pubbliku jixtri l-ikel jew il-prodotti bażiċi tal-konsumatur għall-użu personali tal-persuni jew ta’ tfal mingħajr dar tal-benefiċjarji finali u jipprovdihom lill-organizzazzjonijiet imsieħba, l-ispejjeż tat-trasport tal-ikel jew ta’ prodotti lill-imħażen tal-organizzazzjonijiet imsieħba b’rata fissa ta’ 1 % tal-ispejjeż imsemmija fil-punt (a);

Raġuni

Ir-raġuni hija l-istess waħda li ngħatat għall-emenda 16.

Brussell, 11 ta’ April 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO