ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.076.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 76

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
14 ta' Marzu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-486 sessjoni plenarja tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2013

2013/C 076/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2013/C 076/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija Ewropa 2020 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2013/C 076/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-piraterija marittima: it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

15

2013/C 076/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħolqien ta’ Tikketta Soċjali Ewropea (opinjoni esploratorja)

20

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-486 sessjoni plenarja tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2013

2013/C 076/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Att dwar is-Suq Uniku II — Flimkien għal tkabbir ġdidCOM(2012) 573 final

24

2013/C 076/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-TkabbirCOM(2012) 392 final

31

2013/C 076/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Politika tal-industrija tas-sigurtà — Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittivaCOM(2012) 417 final

37

2013/C 076/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġikuCOM(2012) 497 final

43

2013/C 076/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerkaCOM(2012) 401 final

48

2013/C 076/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-drogaCOM(2012) 548 final — 2012/0261 (COD)

54

2013/C 076/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-EwropaCOM(2012) 529 final

59

2013/C 076/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-PaċifikuJOIN(2012) 6 final

66

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-486 sessjoni plenarja tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2013

14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 76/01

Relatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Nilliberaw il-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar fi ħdan l-Unjoni Ewropea

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’131 vot favur, l-ebda vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa konxju tal-fatt li l-kwistjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet intellettwali kbar ġiet eżaminata relattivament tajjeb bis-saħħa tar-riċerka li ilha ssir f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin u l-ammont kbir ta’ letteratura xjentifika speċjalizzata li teżisti (1). Madanakollu, minħabba l-importanza ta’ dan is-suġġett, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jappoġġjaw it-twettiq ta’ studji u riċerki addizzjonali u li jadottaw għadd ta’ miżuri adegwati li jiffavorixxu l-attenzjoni għad-diversità tal-persuni kollha inġenerali, inklużi programmi li jwasslu biex jiġi lliberat il-potenzjal tat-tfal u taż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar, biex dawn ikunu jistgħu jintużaw f’oqsma differenti. L-għanijiet ta’ din l-azzjoni huma, fost oħrajn, li jiġu ffaċilitati l-impjieg u l-impjegabbiltà fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, u, f’kuntest ta’ kriżi ekonomika, li jiżdied il-valur tal-għarfien speċjalizzat u li jiġi evitat l-eżodu ta’ nies b’kapaċitajiet kbar lejn partijiet oħra tad-dinja.

1.2

Il-Kumitat jipproponi li jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar matul il-fażijiet u l-forom differenti tal-edukazzjoni tagħhom, billi tiġi evitata l-ispeċjalizzazzjoni f’fażijiet bikrin wisq u billi titħeġġeġ l-attenzjoni għad-diversità fl-iskejjel, billi jiġu sfruttati l-possibbiltajiet li joffru t-tagħlim kooperattiv u l-edukazzjoni mhux formali.

1.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li jitħeġġu l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, billi jitqies li għal kull persuna l-potenzjal intellettwali mhuwiex statiku, iżda jinbidel b’mod differenti fil-fażijiet differenti tal-ħajja.

1.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-ġejjieni tingħata aktar attenzjoni lill-mudelli u l-esperjenzi tax-xogħol li jeżistu f’kull Stat Membru għall-ħidma ma’ studenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar, speċjalment dawk il-mudelli li jibbenefikaw lis-soċjetà kollha kemm hi, li jiffaċilitaw il-koeżjoni tagħha, inaqqsu l-falliment skolastiku u jiffavorixxu t-titjib fl-edukazzjoni b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5

Il-Kumitat ifakkar fil-ħtieġa li, fil-post tax-xogħol, jiġu identifikati dawk il-ħaddiema, speċjalment żgħażagħ, li jkollhom il-kapaċità u l-interess li jiżviluppaw il-kapaċitajiet intellettwali tagħhom u li jikkontribwixxu għall-innovazzjoni, u li jingħataw il-possibbiltà li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fil-qasam li jaqbel mal-ambizzjonijiet u ċ-ċentri ta’ interess tagħhom.

1.6

Il-Kumitat jipproponi li tittejjeb l-attenzjoni li tingħata fl-edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom kapaċitajiet kbar, fl-aspetti li ġejjin:

it-taħriġ inizjali u permanenti tal-għalliema dwar il-profil u l-karatteristiċi tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, kif ukoll l-identifikazzjoni tagħhom u l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu;

proċeduri li jinġabru flimkien għall-identifikazzjoni bikrija tal-eżistenza ta’ kapaċitajiet intellettwali kbar fl-istudenti inġenerali u speċjalment f’dawk li jkunu ġejjin minn setturi u ambjenti soċjali żvantaġġati;

it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri edukattivi maħsubin għall-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu azzjonijiet kemm fi ħdan l-istabbilimenti edukattivi ordinarji kif ukoll barra minnhom;

li fit-taħriġ tal-għalliema jiġu integrati l-valuri tal-umaniżmu, ir-realtà tal-multikulturaliżmu, l-użu edukattiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u, fl-aħħarnett, it-tħeġġiġ tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jieħu inizjattiva.

1.7

It-titjib tal-attenzjoni edukattiva għat-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar għandu jinkludi l-edukazzjoni emozzjonali, li hija importanti b’mod speċjali waqt l-adoloxxenza, il-kisba ta’ ħiliet soċjali sabiex dawn jiffaċilitaw l-integrazzjoni u l-inklużjoni fis-soċjetà, l-inklużjoni fid-dinja tax-xogħol u t-tħeġġiġ tal-kapaċità tagħhom li jaħdmu f’tim.

1.8

Hemm bżonn li jiġu sfruttati l-mekkaniżmi u l-proċeduri ta’ skambji u żjarat għal ftit żmien ta’ studenti f’pajjiżi oħra sabiex l-istudenti b’kapaċitajiet kbar ikunu jistgħu jieħdu sehem fihom, speċjalment dawk li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati.

1.9

Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet għall-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajbin bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar u tal-attenzjoni li tingħatalhom.

1.10

Għandu jitħeġġeġ spirtu intraprenditorjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar, minn perspettiva ta’ responsabbiltà u solidarjetà għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi.

2.   Kuntest ġenerali

2.1

Waħda mit-tliet prijoritajiet ewlenin tal-programm “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, approvat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010, hija “Tkabbir intelliġenti: l-iżviluppar ta’ ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni”. Minn din il-perspettiva, l-edukazzjoni taċ-ċittadini kollha ssir riżorsa importanti biex jiġi garantit il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, u dan jinkludi, fost affarijiet oħrajn, it-titjib tal-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva tal-persuni b’kapaċitajiet kbar.

2.2

Il-politiki tal-edukazzjoni attwali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħtu importanza kbira lill-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti, u dan isarraf f’impenn sabiex kull wieħed u waħda mill-istudenti jirċievu l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom kemm jista’ jkun. Bħala parti mill-isforz immirat lejn l-istudenti kollha li jeħtieġu appoġġ edukattiv speċifiku, hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi li bħalissa huma ddedikati lil dawk li għandhom kapaċitajiet intellettwali kbar.

2.3

L-analiżi tas-sitwazzjoni attwali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea turi li hemm eteroġeneità kbira rigward l-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva li tingħata lil studenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Joħroġ ċar ukoll il-bżonn li jittejbu l-prattiki u l-attivitajiet edukattivi maħsubin għal dawn it-tipi ta’ studenti, aspett li huwa influwenzat mill-fatt li ma tantx jeżisti taħriġ speċifiku għall-għalliema dwar dan is-suġġett.

3.   Kapaċitajiet intellettwali kbar

3.1   Kunċett

3.1.1

L-istudji u r-riċerki internazzjonali jaqblu li jeżistu persuni b’kapaċitajiet kbar fil-gruppi soċjali kollha (2). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-popolazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Mil-lat soċjali, politiku u edukattiv, l-identifikazzjoni tal-persuni b’kapaċitajiet kbar u l-attenzjoni li tingħatalhom huwa suġġett relattivament reċenti u li bla dubju ser tiżdied l-importanza tiegħu matul is-snin li ġejjin. Dawn l-istudji jaqblu bejniethom li t-titjib tal-identifikazzjoni u tal-attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar teħtieġ l-involviment tas-soċjetà kollha kemm hi: politiċi, għalliema, xjentifiċi u riċerkaturi, familji u msieħba soċjali.

3.1.2

Il-letteratura xjentifika speċjalizzata fil-qasam tal-kapaċitajiet kbar tuża diversi termini marbutin mal-kapaċità kbira: prekoċità (riżultati ogħla minn dawk mistennijin għal dik l-età), talent (abbiltà speċifika f’oqsma speċifiċi ħafna bħall-matematika, il-mużika, eċċ.) u fl-aħħarnett, il-fatt li persuna tkun mogħnija ħafna intellettwalment jew ikollha kapaċitajiet kbar. Dan il-kunċett li persuna tkun mogħnija ħafna intellettwalment jew ikollha kapaċitajiet kbar bħalissa huwa definit permezz tal-karatteristiċi li ġejjin:

kapaċità intellettwali ikbar mill-medja, meta mqabbla kemm ma’ ħiliet ġenerali kif ukoll speċifiki; minkejja li tradizzjonalment intużat ir-referenza ta’ kwozjent tal-intelliġenza ogħla minn 130 (il-medja hija 100), matul dawn l-aħħar snin dan il-kriterju twessa’ u sar aktar flessibbli biex sar jinkludi l-valutazzjoni ta’ indikaturi oħra importanti bl-istess mod:

livell għoli ta’ dedikazzjoni u impenn fil-ħidma: perseveranza, interess, reżistenza, kunfidenza fihom infushom, eċċ.;

livelli għoljin ta’ kreattività, flessibbiltà u oriġinalità biex jistaqsu, iwieġbu u jsolvu l-problemi u d-diffikultajiet li jiġu ppreżentati lilhom.

Minkejja li l-kapaċità kbira fil-qasam skolastiku u akkademiku normalment tmur id f’id ma’ riżultati tal-iskola tajbin, jiġri relattivament ta’ sikwit li jkun hemm każijiet ta’ falliment skolastiku fost l-istudenti b’kapaċitajiet kbar. Il-profil ta’ persuni b’kapaċitajiet kbar m’għandux jitqies bħala sitwazzjoni statika, iżda bħala potenzjal li biex jintuża jrid jiġi identifikat, rikonoxxut u megħjun mis-soċjetà peress li jekk dan ma jseħħx, jista’ jintilef.

3.1.3

Il-letteratura xjentifika taqbel ukoll li l-kapaċità kbira hija multidimensjonali, jiġifieri li hija qasam wiesa’, li jista’ jkollha tifsiriet differenti, ma tistax tiġi limitata għall-valutazzjoni tal-kwozjent tal-intelliġenza, li trid tinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-aspetti bħall-oriġinalità u l-kreattività tal-ħsieb, u li ta’ sikwit tkun kundizzjonata u influwenzata minn elementi familjari u soċjokulturali. Xi drabi, kif jiġri f’persuni li huma awtistiċi jew li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà motorja, persuna b’kapaċitajiet kbar jista’ jkollha wkoll xi diżabbiltà.

3.1.4

L-istudenti u l-persuni b’kapaċitajiet kbar huma preżenti fil-gruppi u l-livelli soċjali kollha, huma x’inhuma s-sess jew il-kundizzjoni soċjali tagħhom; madankollu, fil-prattika, fil-proċessi ta’ identifikazzjoni normalment joħorġu l-fenomeni li ġejjin li jridu jitqiesu sabiex ikunu jistgħu jiġu kkumpensati:

l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar hija aktar frekwenti f’livelli soċjali medji u għoljin minħabba li l-familji jkollhom livell ta’ għarfien ogħla dwar dan is-suġġett iżda wkoll minħabba l-influwenza ta’ ambjenti familjari stimolanti fil-qasam edukattiv u akkademiku. Xi kultant, il-fatt li l-iskejjel ikollhom stennijiet baxxi dwar il-kapaċitajiet tal-istudenti tagħhom stess jista’ jinfluwenza wkoll b’mod negattiv l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar f’ambjenti soċjali żvantaġġati;

minkejja li hemm tendenza ġenerali lejn id-diskrezzjoni u l-anonimat fost studenti u persuni b’kapaċitajiet kbar, statistikament l-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar hija aktar komuni fost l-irġiel milli fost in-nisa minħabba fatturi kulturali u psikoevoluttivi li jindikaw probabbiltà ogħla ta’ anonimat fost l-istudenti nisa li possibbilment għandhom kapaċitajiet kbar (3);

3.1.5

L-istess bħalma jiġri għall-bqija ta’ dawk li jmorru l-iskola, meta nirreferu għal studenti u żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar għandna nqisu li dan huwa grupp varjat ħafna.

3.1.6

Huwa possibbli li jinstabu studenti li minkejja li jkollhom kapaċitajiet intellettwali kbar, ikollhom diffikultajiet jirnexxu fl-iskola u jiffurmaw parti mill-grupp ta’ studenti li ma jirnexxux fl-iskola minħabba raġunijiet bħan-nuqqas sħiħ jew parzjali ta’ attenzjoni edukattiva speċifika jew problemi ta’ nuqqas ta’ adattament. Ta’ sikwit jiġri wkoll li jkun hemm studenti b’kapaċitajiet kbar bi problemi ta’ marġinalizzazzjoni jew rifjut mill-grupp tagħhom, u dan jikkontribwixxi wkoll għaż-żieda fil-possibbiltà ta’ falliment fl-iskola. L-identifikazzjoni adegwata u l-attenzjoni għal studenti b’kapaċitajiet kbar huma fatturi li jistgħu u li għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u ż-żieda fil-persentaġġ tal-persuni b’edukazzjoni ogħla, li huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin dwar l-edukazzjoni tal-Programm Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.2   Identifikazzjoni u segwitu edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar

3.2.1

It-titjib fl-attenzjoni mogħtija lill-kapaċitajiet kbar jimplika diversi elementi separati: l-identifikazzjoni bikrija, il-valutazzjoni psikopedagoġika u soċjali fil-fond biex tiġi kkonfermata jew le l-preżenza ta’ kapaċitajiet kbar, u fl-aħħarnett it-tweġiba jew l-attenzjoni edukattiva fit-tifsira stretta tal-kelma, li tista’ sseħħ kemm permezz tal-edukazzjoni formali kif ukoll dik mhux formali.

3.2.2

Normalment jiġi aċċettat il-fatt li għadd konsiderevoli ta’ persuni b’kapaċitajiet kbar ma jinqabdux fil-proċess ta’ identifikazzjoni. Il-proċess ta’ identifikazzjoni jista’ jseħħ wara t-tmiem tal-edukazzjoni preprimarja (kindergarden) jew fil-bidu tal-edukazzjoni primarja. L-istess bħalma jiġri għal kull student ieħor bi ħtiġijiet ta’ appoġġ edukattiv speċifiku, l-identifikazzjoni bikrija tal-kapaċitajiet kbar tiffaċilita r-rispons u l-attenzjoni edukattiva adegwati u timpedixxi l-possibbiltajiet ta’ falliment skolastiku jew tluq mill-iskola bikri fil-futur. Minkejja li l-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet kbar hija possibbli anke f’fażijiet tal-edukazzjoni jew tal-ħajja aktar avvanzati, dan il-fatt jagħti importanza speċjali lill-proċess ta’ identifikazzjoni inizjali u ta’ valutazzjoni psikopedagoġika tal-istudenti li jista’ jkollhom kapaċitajiet kbar.

3.2.3

L-identifikazzjoni inizjali tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar normalment tibda meta l-ġenituri jew l-għalliema josservaw li jibdew juru biċ-ċar li qed imorru aħjar mit-tfal tal-età tagħhom, jew li f’ċerti okkażjonijiet juru sinjali li ma jkunux qed jintegraw. Din l-identifikazzjoni bikrija, li wara trid tiġi kkonfermata jew imwarrba mill-ispeċjalisti, tista’ tkun ibbażata fuq l-indikaturi li ġejjin:

l-użu tal-lingwaġġ: vokabularju wiesa’, preċiżjoni fit-termini użati, kumplessità tal-istruttura tas-sentenzi tagħhom;

fehim għoli ta’ ideat kumplessi u astratti; xi kultant, il-kapaċità li jiżviluppaw jew jelaboraw ideat f’livell mhux mistenni mill-età tagħhom;

il-kwalità tal-mistoqsijiet tagħhom. Dawn jistgħu jkunu mhux tas-soltu, oriġinali, kumplikati jew mimlijin maturità u jkunu jafu eżattament dwar xiex qed jitkellmu;

kapaċità li jfasslu strateġiji sistematiċi u multipli biex isolvu l-problemi;

possibbiltà li jitgħallmu malajr ħafna u b’faċilità meta jkunu interessati;

imġiba kreattiva ħafna fil-produzzjoni ta’ ideat, objettivi u soluzzjonijiet għal problemi partikolari.

3.2.4

B’mod speċjali għal tfal ta’ etajiet żgħar (sa 4-5 snin), hemm bżonn li jintuża l-galbu fl-identifikazzjoni ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar peress li l-fenomenu tal-prekoċità jew il-preżenza ta’ ambjenti familjari li jistimolaw ħafna l-attività skolastika, jista’ jwassal għal dijanjożi prematura u li tista’ ma tkunx stabbli jew eżatta. F’dawn il-każijiet ikun opportun li jsiru reviżjonijiet f’mumenti li fihom jintwerew il-kapaċitajiet kbar jew jiġi ċċekkjat jekk, għall-kuntrarju, l-istudent ikunx qed joqrob lejn il-livelli meqjusa normali.

3.2.5

F’ambjenti soċjali żvantaġġati ta’ sikwit jiġri li l-kapaċitajiet kbar ikunu moħbija minħabba diffikultajiet jew nuqqasijiet soċjoekonomiċi jew saħansitra mill-istennijiet baxxi tal-iskejjel li jattendu, u b’hekk joħorġu fid-dieher b’inqas faċilità. Huwa importanti li dan jittieħed inkunsiderazzjoni u li tingħata attenzjoni speċjali għall-iżvilupp u l-progress tat-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu ġejjin minn ambjenti żvantaġġati bil-għan li dawn jingħataw l-attenzjoni edukattiva li jeħtieġu, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dawk li jista’ jkollhom kapaċitajiet kbar.

3.2.6

Dawn huma xi kwistjonijiet jew stennijiet li jridu jiġu evitati b’rabta mal-istudenti u ż-żgħażagħ b’kapaċitajiet kbar:

li wieħed jaħseb li t-tfal b’kapaċitajiet kbar ser jibbrillaw fl-oqsma kollha tal-iżvilupp tagħhom, li ser ikunu maturi emozzjonalment, b’kontroll għoli tagħhom infushom, indipendenti, responsabbli u li jixtiequ jogħġbu lill-għalliema tagħhom;

li wieħed jaħseb li ser jibbrillaw fl-oqsma kollha tal-kurrikulu tal-iskola. L-għalliema ġeneralment jistennew li l-istudenti intelliġenti ħafna jwettqu xogħol brillanti fl-oqsma kollha;

li wieħed jistenna li t-tfal b’kapaċitajiet kbar huma motivati ħafna biex jirnexxu ħafna fl-iskola u jagħmlu sforz u juru interess f’kull biċċa xogħol li tingħatalhom.

3.2.7

Ladarba l-ġenituri u l-għalliema jkollhom is-suspett li tifel jew tifla jew żagħżugħ jew żagħżugħa jista’ jkollha kapaċitajiet kbar, l-identifikazzjoni inizjali titlob l-użu ta’ strumenti ta’ valutazzjoni speċifiċi u għandha ssir mill-professjonisti speċjalizzati fil-valutazzjoni psikopedagoġika, bil-kooperazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel. Din il-valutazzjoni għandha tkun varjata u sħiħa kemm jista’ jkun u tinkludi ambjenti (ambjent tal-iskola, soċjali u tal-familja) u strumenti differenti għall-ġbir tal-informazzjoni differenti bil-għan li jkunu jistgħu jiġu applikati għal kull student, ikun x’ikun l-oriġini familjari jew soċjali tiegħu jew tagħha. Permezz ta’ din il-valutazzjoni wiesgħa u varjata jkun jista’ jitfassal rapport psikopedagoġiku li għandu jikkonferma jew jirrifjuta l-preżenza ta’ kapaċitajiet kbar.

3.3   Attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar

3.3.1

Ladarba jiġi kkonfermat li l-istudent jew studenta jkollha kapaċitajiet kbar, il-fatturi u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jiffaċilitaw rispons edukattiv adegwat għal dawn it-tfal u ż-żgħażagħ huma li ġejjin:

ambjent stimolanti li jħeġġeġ il-potenzjal tagħhom;

l-awtonomija u l-awtokontroll;

sentiment ta’ appartenenza għall-grupp ta’ ħbieb u ta’ studenti ta’ mparhom;

li l-persuni ta’ madwarhom jaċċettawhom u jemmnu fihom;

tagħlim adattat għall-ħtiġijiet tagħhom u ritmu personali għat-tagħlim;

kurrikulu flessibbli li jħallihom jidħlu aktar fil-fond fis-suġġetti;

aċċess u riżorsi edukattivi addizzjonali li jikkomplementaw l-offerta edukattiva ordinarja;

flessibbiltà meta jkunu qed jiġu mgħallma f’aspetti bħal ħinijiet, attivitajiet, riżorsi, materjali u raggruppamenti;

sehem tal-istudenti fl-ippjanar tal-proċess tat-tagħlim speċifiku tagħhom.

3.3.2

Fid-diversi mudelli pedagoġiċi u sistemi edukattivi jeżistu approċċi differenti dwar il-mod kif għandhom jintlaqgħu l-ħtiġijiet edukattivi ta’ studenti b’kapaċitajiet kbar. Il-miżuri adottati f’dan ir-rigward jistgħu jinqasmu f’żewġ tendenzi differenti:

a)

edukazzjoni differenzjata: meta fi ħdan l-istess skola jiġu stabbiliti gruppi omoġenji ta’ studenti skont il-kapaċità u l-livell ta’ tagħlim rispettivi tagħhom;

b)

edukazzjoni inklużiva: meta l-gruppi ta’ studenti jkunu eteroġenji u ċ-ċentru ta’ tagħlim joffri rispons edukattiv adattat għad-diversità tal-istudenti li jeżistu fi ħdan kull grupp;

3.3.3

Bħalissa l-edukazzjoni inklużiva hija l-approċċ l-aktar mifrux fis-sistemi edukattivi differenti fl-Unjoni Ewropea. Dan jirrifletti l-intenzjoni li l-istudenti li jinsabu fl-ewwel fażijiet tal-edukazzjoni tagħhom jiġu offruti edukazzjoni komuni f’ambjent skolastiku attent għad-diversità u li jevita li jsiru raggruppamenti omoġenji f’fażi bikrija wisq. Dan l-approċċ jaqbel mal-fatt li, matul il-fażijiet edukattivi mhux obbligatorji, jew meta l-istudenti jkunu kważi temmew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom u jkunu qed joqorbu lejn il-bidu tal-fażi universitarja tagħhom, f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea qed jiġu żviluppati esperjenzi maħsubin għall-iżvilupp ta’ talenti konkreti jew esperjenzi ta’ gruppi aktar omoġenji maħsubin għal studenti b’kapaċitajiet kbar u/jew studenti b’riżultati akkademiċi tajbin ħafna. L-analiżi tar-realtà attwali tindika t-tendenza li x’aktarx fil-ġejjieni ser naraw: iż-żamma tal-edukazzjoni inklużiva fl-ewwel fażijiet tal-edukazzjoni u l-ftuħ ta’ possibbiltajiet għal esperjenzi konkreti ta’ gruppi omoġenji fil-fażijiet edukattivi aktar avvanzati jew wara l-edukazzjoni obbligatorja.

3.3.4

B’rabta mal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, il-miżuri edukattivi konkreti li jistgħu jiġu adottati fiċ-ċentri ta’ tagħlim huma dawn li ġejjin: Xi wħud minnhom, jiġifieri il-miżuri ordinarji, huma applikabbli għall-istudenti kollha inġenerali:

Miżuri ordinarji:

kontenuti b’livelli ta’ diffikultà differenti, gruppi flessibbli, varjetà ta’ attivitajiet u t-twessigħ tal-kurrikulu ordinarju;

tisħiħ tat-tagħlim iffukat fuq il-motivazzjoni u l-interess tal-istudenti skont suġġetti speċifiċi u organizzat mill-istudenti stess;

Miżuri inqas komuni: dawn jinvolvu l-adattament tal-kurrikulu permezz tat-twessigħ u/jew iż-żieda fil-kurrikulu għal studenti speċifiċi: adattamenti tal-kurrikulu individwali;

Miżuri ta’ eċċezzjoni: jinvolvu l-fatt li l-fażijiet u l-livelli ta’ tagħlim differenti jkunu flessibbli billi jitnaqqas it-tul tagħhom: l-istudenti jistgħu jmorru l-iskola ma’ studenti ikbar minnhom fl-età. Dan ftit li xejn jiġi applikat – f’madwar 3 % tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar.

3.3.5

Barra mill-iskejjel, l-istudenti b’kapaċitajiet kbar jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet ipprogrammati iżda inqas regolati mill-attività skolastika u li jwasslu għall-kuntatt ma’ studenti b’kapaċitajiet kbar f’ċentri ta’ tagħlim oħrajn. Dawn it-tipi ta’ attivitajiet ekstrakurrikulari huma pjuttost mifruxa u huma varjati ħafna. Dawn jistgħu jiġu appoġġjati mill-Istati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-Unjoni Ewropea.

3.3.6

Dawn iż-żewġ tipi ta’ attenzjoni edukattiva, edukazzjoni formali u edukazzjoni mhux formali ma jeskludux lil xulxin. It-titjib tal-attenzjoni lil studenti b’kapaċitajiet kbar għandu jinkludi ż-żewġ aspetti: l-attenzjoni fiċ-ċentru ta’ tagħlim tagħhom stess u fil-ħin tal-iskola, b’mod simili għal dik li jeħtieġu l-istudenti bi ħtiġijiet ta’ appoġġ speċifiku, u attenzjoni komplementarja u ekstrakurrikulari barra jew fi ħdan iċ-ċentru tat-tagħlim.

3.3.7

Bħalissa, l-ikbar kwistjoni pendenti hija t-titjib sostanzjali tal-attenzjoni edukattiva li jirċievu l-istudenti b’kapaċitajiet kbar fiċ-ċentri ta’ tagħlim tagħhom li jeħtieġ titjib fit-taħriġ inizjali u permanenti tal-għalliema rigward l-identifikazzjoni u l-attenzjoni edukattiva tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar fi ħdan il-kuntest ġenerali tal-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti.

3.3.8

Il-fatt li nilliberaw il-potenzjal taż-żgħażagħ kollha tal-Unjoni Ewropea, u speċjalment taż-żgħażagħ intelliġenti ħafna, mhijiex kwistjoni li tolqot biss lis-settur tal-edukazzjoni. Huwa importanti wkoll li npoġġu fil-prattika politika ekonomika u soċjali li permezz tagħha dawn il-persuni, minn età żgħira, ikunu jistgħu jiġu offruti impjiegi u opportunitajiet biex jisfruttaw il-kapaċità tagħhom. F’dan il-każ, l-Ewropa għandha missjoni kruċjali: trid timpedixxi l-eżodu tal-persuni l-aktar kapaċi li jitilqu jfittxu fejn jużaw il-kapaċitajiet tagħhom f’postijiet oħra fid-dinja.

4.   Il-monitoraġġ tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar fil-kuntest Ewropew

4.1   Kuntest ġenerali

4.1.1

Matul dawn l-aħħar snin, diversi studji ħadu l-interess ipinġu s-sitwazzjoni tal-kapaċitajiet intellettwali kbar fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi (4). Is-sejbiet urew l-informazzjoni li ġejja:

B’mod ġenerali, l-istudji jidentifikaw u joħorġu fid-dieher il-ħtieġa li jinbidlu l-prattiki taċ-ċentri ta’ tagħlim sabiex titjieb l-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti li tinkludi l-istudenti b’kapaċitajiet kbar.

Il-leġislazzjoni dwar l-edukazzjoni tal-pajjiżi differenti tqis l-eżistenza tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, iżda jeżistu varjazzjonijiet kbar meta jiġi biex jitqies jekk dawn l-istudenti jeħtiġux jew le miżuri speċifiċi ta’ attenzjoni edukattiva.

Il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ kapaċitajiet kbar qed jiżdiedu bil-mod il-mod, u qed imorru lil hinn mill-approċċ tradizzjonali marbut esklużivament mal-valutazzjoni tal-intelliġenza, u ġeneralment qed jinkludu wkoll testijiet speċifiċi biex tiġi valutata l-kreattività u l-oriġinalità, kif ukoll kontributi minn rapporti tal-iskola, soċjali u tal-familja mill-għalliema u l-membri tal-familja.

Rigward l-attenzjoni għal studenti b’kapaċitajiet kbar, b’mod ġenerali jiddominaw l-attivitajiet barra mill-iskola fil-qafas tal-edukazzjoni mhux formali aktar milli l-attivitajiet kurrikulari jew li jseħħu fiċ-ċentru ta’ tagħlim ordinarju fil-ħin tal-iskola. Il-kompetizzjonijiet jew konkorsi speċifiċi marbutin ma’ talenti partikolari (xjentifiċi, teknoloġiċi, sportivi, mużikali, eċċ.) huma aktar frekwenti minn inizjattivi maħsubin għall-attenzjoni għall-kapaċitajiet kbar inġenerali.

Hemm lok wiesa’ għat-titjib fit-taħriġ tal-għalliema, kemm dak inizjali kif ukoll permanenti, fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-kapaċitajiet kbar u l-attenzjoni li tingħatalhom.

4.2   Leġislazzjoni u rispons edukattiv

4.2.1

Fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jeżistu assoċjazzjonijiet privati ta’ għalliema u familji li jwettqu attivitajiet barra mill-iskola maħsubin biex jużaw il-potenzjal tal-ħiliet tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar. Barra minn hekk, f’uħud minnhom l-attivitajiet jiġu promossi jew isiru bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet edukattivi rispettivi.

4.2.2

Il-firxa tar-risponsi edukattivi għall-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija din li ġejja:

Fil-leġislazzjoni tal-pajjiżi tista’ tgħid kollha tal-Unjoni Ewropea jeżistu xi tipi ta’ miżuri edukattivi rigward dawn l-istudenti. F’xi pajjiżi jeżistu miżuri edukattivi ġenerali għall-istudenti kollha, iżda mingħajr ma ssir differenza bejn l-istudenti intelliġenti ħafna jew b’ħafna talent u l-bqija: jimmiraw għall-eċċellenza fl-istudenti kollha.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi għandhom gruppi eteroġenji ta’ studenti b’kapaċitajiet differenti, billi jippruvaw jagħtu attenzjoni lill-istudenti fi ħdan kull grupp. Xi pajjiżi għandhom gruppi omoġenji skont il-kapaċitajiet u l-prestazzjoni tagħhom fl-iskola, għalkemm xi wħud minnhom jużaw din il-possibbiltà biss għal talenti sportivi jew artistiċi.

Rigward il-miżuri ta’ flessibbiltà u ta’ aċċellerazzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li l-istudenti jkunu jistgħu jistudjaw f’livell ogħla minn dak normali għall-età tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jinkludu din il-possibbiltà fil-leġislazzjoni tagħhom iżda ma jeżisti l-ebda kriterju uniformi għall-implimentazzjoni. Xi wħud mill-Istati Membri jippermettu s-sehem bikri ta’ studenti minn skejjel sekondarji b’kapaċitajiet kbar fi proġetti jew korsijiet speċifiċi fl-universitajiet.

4.3   Taħriġ tal-għalliema

4.3.1

Minkejja l-klima ekonomika diffiċli ta’ bħalissa li qed taffettwa wkoll lis-sistema edukattiva, u l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-għalliema fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, hemm bżonn jitjieb it-taħriġ speċjalizzat tal-għalliema dwar dan is-suġġett speċifiku, kemm fl-ambitu tat-taħriġ inizjali kif ukoll f’dak tat-taħriġ permanenti.

4.3.2

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fil-pjani ta’ studju uffiċjali għall-għalliema futuri jinkludu xi tip ta’ taħriġ speċifiku biex tingħata attenzjoni lill-istudenti b’kapaċitajiet kbar, jew bħala suġġett speċifiku jew bħala parti mit-taħriġ ġenerali dwar kif wieħed jindirizza l-attenzjoni għad-diversità tal-istudenti.

4.3.3

Huma biss nofs il-pajjiżi li joffru taħriġ kontinwu għall-għalliema pprovdut minn korpi pubbliċi fi ħdan il-pjani ta’ taħriġ kontinwu tagħhom għall-għalliema. Dan it-taħriġ kontinwu uffiċjali jeżisti b’mod parallel għat-taħriġ li joffru xi entitajiet privati.

4.3.4

Fi ftit kliem, mill-analiżi tal-kwistjoni fl-Unjoni Ewropea joħroġ li l-aspetti li ġejjin jeħtieġu titjib konsiderevoli:

It-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema biex tittejjeb il-perċezzjoni li għandhom l-għalliema tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar, jiġi faċilitat l-għarfien tagħhom ta’ dawn it-tipi ta’ studenti kif ukoll il-metodi li għandhom jintużaw għall-identifikazzjoni tagħhom u l-attenzjoni edukattiva speċifika.

Fit-taħriġ tal-għalliema għandhom jiġu integrati l-valuri tal-umaniżmu, ir-realtà tal-multikulturaliżmu, l-użu edukattiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u, fl-aħħarnett, it-tħeġġiġ tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jieħu inizjattiva.

It-tlaqqigħ flimkien tal-proċeduri għall-valutazzjoni psikopedagoġika kif ukoll tal-fatturi soċjali u familjari użati biex jiġu identifikati l-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar. Din l-identifikazzjoni għandha sseħħ ta’ età żgħira iżda għandha tinkludi l-possibbiltà li sseħħ f’fażijiet aktar tard tal-ħajja, anke f’postijiet tax-xogħol għal dawk il-persuni li diġà jkunu daħlu fid-dinja tax-xogħol.

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-attenzjoni edukattiva maħsubin għall-istudenti b’kapaċitajiet intellettwali kbar jew li għandhom karatteristiċi eċċezzjonali oħrajn kemm fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ordinarji kif ukoll barra minn dawn fil-qafas tal-edukazzjoni mhux formali: programmi ta’ tisħiħ tal-edukazzjoni.

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi u proċeduri biex tiġi faċilitata l-edukazzjoni tul il-ħajja tal-persuni b’kapaċitajiet intellettwali kbar, u speċifikament meta jiġu biex jidħlu l-università u matul iż-żmien li jkunu qed jattendu l-università.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fost l-istudji dwar il-kapaċitajiet kbar u l-miżuri dwar dan fil-qasam tal-edukazzjoni nsibu dawn li ġejjin:

 

Martinez Torres, Mercé. u Guirado, Angel (koordinaturi), “Altas capacidades intelectuales. Pautas de actuación, orientación, intervención y evaluación en el período escolar” (Kapaċitajiet intellettwali kbar. Linji gwida għall-implimentazzjoni, l-orjentazzjoni, l-intervent u l-valutazzjoni fil-perjodu tal-iskola), Barċellona, Editorial Graó, 2012.

 

Torrego, Juan Carlos (koordinatur), “Alumnos con altas capacidades y aprendizaje cooperativo. Un modelo de respuesta educativa” (Studenti b’kapaċitajiet kbar u tagħlim kooperattiv), Madrid, Fondazzjoni SM, 2012.

 

Pfeiffer, Stephen: Current perspectives on the identification and assessment of gifted students (Perspettivi attwali dwar l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ studenti intelliġenti ħafna), fil-Journal of Psychoeducational assessment, 2011.

 

Wallace, B. u Erikson, G.: Diversity in Gifted Education. International perspectives on global issues (Id-diversità fl-edukazzjoni ta’ tfal intelliġenti ħafna. Perspettivi internazzjonali dwar kwistjonijiet globali), New York, Routledge, 2006.

 

Sternberg, R.J. u Davidson, J.E.: Conceptions of giftedness (Kunċetti differenti tal-intelliġenza), Cambridge University Press, 2005.

 

Sternberg, R J. (ed.) Definitions and conceptions of giftedness (Definizzjonijiet u kunċetti tal-intelliġenza), Thousand Oaks, Corwin Press, 2004.

(2)  Abbażi tal-grupp soċjali li huwa studjat l-aktar, il-popolazzjoni fl-età li tmur l-iskola, l-istimi dwar il-persentaġġ tan-nies bi profil ta’ kapaċitajiet kbar ivarja bejn it-2 u l-15 % tal-popolazzjoni skont l-indikaturi li jintużaw biex issir din l-istima. Il-kriterju l-aktar tradizzjonali, dak tal-valutazzjoni tal-kwozjent tal-intelliġenza, normalment kien juża r-referenza tal-kwozjent tal-intelliġenza ogħla jew inqas minn 130, li jinkludi madwar 2 % tal-popolazzjoni. Illum il-ġurnata huwa aċċettat li dan il-kriterju huwa restrittiv ħafna u li l-valutazzjoni tal-kapaċità intellettwali hija biss waħda mill-fatturi li jridu jitqiesu biex jiġu determinati l-kapaċitajiet kbar. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ kapaċitajiet kbar twessa’ biex jinkludi fatturi oħra bħall-kreattività, l-oriġinalità u l-kapaċità li wieħed jirrelata, jiddeduċi u jasal għal konklużjonijiet. Minn perspettiva aktar attwali, huwa kkalkulat li l-persentaġġ tal-persuni b’kapaċitajiet kbar jista’ jilħaq l-10 %, saħansitra l-15 % tal-popolazzjoni inġenerali, minkejja li l-istimi l-aktar komunement aċċettati jagħtu l-5 u l-10 % tal-popolazzjoni. Bħala tkomplija fuq is-suġġett, jistgħu jiġu kkonsultati l-istudji li issa saru klassiċi ta’ Joseph Renzulli kif ukoll dawk aktar reċenti ta’ Borland, J.H. “Myth 2. The gifted constitute 3 % to 5 % of the population” (Leġġenda 2. Il-persuni b’kapaċitajiet kbar jikkostitwixxu minn 3 sa 5 % tal-popolazzjoni), f’“Gifted child quarterly”, 53, 2009, Miraca, G.: “Exceptionally gifted children” (Tfal b’talenti eċċezzjonali), New York, Routledge, 2004, u Robson D., “High IQ kids: collected insights, information and personal stories from the experts” (Tfal b’IQ għoli: ġabra ta’ ħsibijiet, tagħrif u stejjer personali mill-esperti), Free spirit publishing, 2007.

(3)  Pereżempju, bejn l-1999 u l-2012, il-“Programa de Enriquecimiento Educativo para Alumnos con Altas Capacidades de la Comunidad de Madrid” (Programm għat-tisħiħ edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-Komunità ta’ Madrid, Spanja) irreġistra, mingħajr kważi l-ebda tibdil, rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 70 % ta’ studenti rġiel u 30 % ta’ studenti nisa. F’dan il-kuntest, ara wkoll Pérez, L. Domínguez P. u Alfaro, E. (koordinaturi). “Actas del Seminario: situación actual de la mujer superdotada en la sociedad” (Rapport dwar is-seminar dwar il-qagħda attwali tan-nisa intelliġenti ħafna fis-soċjetà), Madrid, Consejería de Educación, 2002.

(4)  Għad-dettalji tal-firxa attwali tal-attenzjoni edukattiva għall-istudenti b’kapaċitajiet kbar fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu kkonsultati:

 

“La atención a los alumnos con altas capacidades en la Unión Europea” (L-attenzjoni mogħtija lill-istudenti b’kapaċitajiet għoljin fl-Unjoni Ewropea), f’“De todo un poco”, edizzjoni numru 11, pubblikazzjoni annwali tal-Programm għat-tisħiħ edukattiv tal-istudenti b’kapaċitajiet kbar tal-Komunità ta’ Madrid, pp. 21-29, Madrid, 2009.

 

“Gifted Learners. A survey of educational policy and provision” (Studenti intelliġenti ħafna. Stħarriġ dwar il-politika u d-dispożizzjonijiet edukattivi). Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp tal-Edukazzjoni ta’ Studenti bi Bżonnijiet Edukattivi Speċjali, 2009.

 

Eurydice (2006), “Specific Educations Measures to promote all Forms of Giftedness at School in Europe” (Miżuri edukattivi speċifiċi għall-promozzjoni tal-forom kollha ta’ talent fl-iskola fl-Ewropa, dokument ta’ ħidma). Brussell: Unità Eurydice.

 

Monks, F.J., Pflüger, R.: “Gifted Education in 21 European Countries: Inventory and Perspective” (L-edukazzjoni ta’ studenti intelliġenti ħafna f’21 pajjiż Ewropew: is-sitwazzjoni preżenti u perspettivi), Università ta’ Nimega, 2005.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija Ewropa 2020” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 76/02

Relatur: is-Sinjura AGUDO I BATALLER

Korelatur: is-Sinjura ATTARD

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-17 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’200 vot favur, 6 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE:

1.1

jappoġġja u jikkondividi l-prinċipju li l-Istrateġija Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (1) u l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2) iridu jissaħħu b’mod reċiproku. Għalhekk huwa essenzjali li d-dimensjoni tal-ġeneru (integrazzjoni tal-ġeneru – gender mainstreaming) u l-miżuri speċifiċi jiġu integrati fl-objettivi, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki żviluppati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

1.2

iqis fundamentali li jingħeleb il-fatt li d-dimensjoni tal-ġeneru ma ġietx indirizzata b’mod speċifiku f’xi waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għalhekk iqis importanti li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata b’mod sistematiku fil-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u fis-Semestru Ewropew, speċjalment meta s-sitwazzjoni ekonomika Ewropea għandha bżonn li l-politiki jiġu implimentati b’mod aktar effikaċi u li jsir użu aktar effiċjenti tar-riżorsi waqt li jiġi rikonoxxut l-impatt negattiv tal-inugwaljanza bejn is-sessi fuq it-tkabbir ekonomiku;

1.3

jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fejn il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri sabiex jaġġustaw il-baġits tal-PNR b’mod li l-miżuri politiki jqisu l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Huwa importanti li l-laqgħat ministerjali għar-reviżjoni u l-monitoraġġ jiggarantixxu li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu applikati, segwiti ujoħorġu fid-dieher il-progress li jsir fil-politika tal-ugwaljanza. Dan jeħtieġ li l-fondi tal-UE, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, jintużaw b’mod koerenti;

1.4

jirrakkomanda li l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-2014-2020 jagħmel disponibbli fondi speċifiċi sabiex jiġu avvanzati d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Għall-KESE, il-finanzjament għandu jkun adegwat u viżibbli sabiex jiġu garantiti l-applikazzjoni u t-trasparenza tiegħu bil-għan li jiġi promoss l-appoġġ tal-politiki għall-ugwaljanza kif ukoll tal-attivitajiet u l-proġetti fl-oqsma kollha ta’ kompetenza tal-UE;

1.5

iqis li, waqt li jitqiesu s-sitwazzjonijiet konkreti differenti fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi, hemm bżonn li jittieħdu miżuri li jippermettu li titjieb is-sitwazzjoni soċjali u tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż l-appoġġ sabiex jinħolqu l-intrapiżi. Għandu jiġi appoġġjat il-potenzjal kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom fl-oqsma differenti definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020: innovazzjoni, riċerka, edukazzjoni u taħriġ professjonali, soċjetà diġitali, klima u ekonomija ekoloġika, enerġija, mobbiltà, kompetittività, impjieg, kwalifiki, esklużjoni soċjali u faqar;

1.6

jenfasizza l-valur tal-impenn u tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, fil-livell Ewropew, nazzjonali, territorjali u settorjali, u fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politiki differenti, sabiex jiġi garantit il-progress neċessarju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-djalogu soċjali u l-ftehimiet tan-negozjar kollettiv huma strumenti fundamentali sabiex il-pjani nazzjonali ta’ riforma jiġu kkomplementati bid-dimensjoni tal-ġeneru. Il-qafas ta’ miżuri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej huwa eżempju importanti f’dan ir-rigward, li għandu jiġi rifless fl-Istrateġija Ewropa 2020;

1.7

jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-implimentazzjoni ta’ kull waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin. Dan ser ikun jeħtieġ għarfien tas-sitwazzjoni speċifika u distinta tal-irġiel u n-nisa fir-rigward tas-suq tax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja; l-aċċess fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjieg, il-faqar u r-riskji tal-esklużjoni; l-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda tas-settur diġitali; il-parteċipazzjoni fil-livelli kollha tat-taħriġ, ir-riċerka u l-produzzjoni, speċjalment fis-setturi emerġenti ġodda. Il-KESE jirrakkomanda li titpoġġa enfasi fuq l-edukazzjoni diġitali tan-nisa, li ma tantx huma rrappreżentati fl-impjiegi relatati mal-informatika produttiva. Barra minn hekk iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw l-indikaturi eżistenti tal-ġeneru u jistabbilixxu indikaturi ġodda fl-oqsma fejn dawn ma jeżistux;

1.8

jaħseb li, waqt li titqies is-sitwazzjoni gravi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tat-tluq bikri mill-iskola fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li tolqot b’mod differenti lill-irġiel u n-nisa żgħażagħ, huwa importanti ħafna li d-dimensjoni tal-ġeneru tkun integrata aktar mill-qrib fl-iżvilupp tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

1.9

jappella lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni u jieħdu miżuri sabiex itejbu l-kwantità u l-kwalità tal-impjieg tan-nisa fil-pajjiżi kollha. Għal dan ikun hemm bżonn li jiżdiedu l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi għat-tfal u għall-anzjani u li dawn ikunu jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd, titneħħa d-differenza bejn il-pagi u jiġu implimentati miżuri sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-ħajja familjali, dik personali u x-xogħol (tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jiġu offruti l-leave tal-paternità u l-leave imħallas);

1.10

jirrepeti li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha ttejjeb u tappoġġja, flimkien mal-imsieħba soċjali, il-ftehimiet u l-miżuri speċifiċi u effikaċi li jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tan-nisa tqal u ta’ dawk li wildu reċentement. Il-KESE appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu adottati miżuri għal perjodu adegwat ta’ leave tal-maternità ta’ mhux inqas minn tmintax-il ġimgħa (3);

1.11

għalkemm b’mod differenti fil-pajjiżi, ir-reġjuni u s-setturi, il-kriżi laqtet il-ħajja tan-nies u enfasizzat numru ta’ problemi soċjali u tas-saħħa. Għalhekk, huwa jqis neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu implimentati miżuri li jgħinu jtaffu l-effetti negattivi (stress, vjolenza, fastidju fuq il-post tax-xogħol u fi ħdan il-familja (4)). Dan jitlob l-involviment konġunt sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, jitneħħew l-inugwaljanzi strutturali u jinbidlu r-rwoli u l-istereotipi tal-ġeneru;

1.12

jikkunsidra li l-progress tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun prijorità speċjalment f’dawk is-setturi u intrapriżi meqjusa strateġiċi u tal-futur fl-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-futur qarib, il-KESE ser jadotta opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu adottati miżuri vinkolanti fil-livell tal-UE sabiex titjieb din il-parteċipazzjoni;

1.13

jinsab imħasseb bit-tnaqqis fis-servizzi soċjali u l-protezzjoni tas-setturi l-aktar żvantaġġati u dawk f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u faqar. Il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għalhekk iridu jindirizzaw b’mod speċifiku n-numru dejjem jikber ta’ nisa fil-faqar u jimmiraw li jintegraw lin-nisa, fuq medda qasira ta’ żmien permezz ta’ inċentivi sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u fuq medda twila ta’ żmien permezz tal-aċċess għat-taħriġ bażiku u l-kompetenzi ġodda, l-użu tat-teknoloġiji ġodda u forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjali. Il-KESE jqis li wara 60 sena ta’ bini tal-proġett Ewropew m’għadux aċċettabbli li d-differenza permanenti tal-pagi bejn l-irġiel u n-nisa sservi bħala fattur varjabbli għall-aġġustament jew li s-sikurezza tal-impjieg tan-nisa tonqos. Il-KESE jemmen ukoll li l-Istati Membri jridu jinkludu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, u b’mod urġenti, miżuri li jiggarantixxu impjieg stabbli għan-nisa, b’pagi u pensjonijiet deċenti;

1.14

iqis prijoritarju li, sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija għall-Ugwaljanza jilħqu l-objettivi tagħhom, jintbagħat messaġġ ċar lill-partijiet interessati u lis-soċjetà inġenerali dwar il-bżonn li jiżdiedu l-miżuri fit-triq lejn l-ugwaljanza. Dan jeħtieġ, l-ewwel nett, koordinazzjoni u kooperazzjoni akbar u aktar stretta fi ħdan u bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll il-KESE u l-Kumitat tar-Reġuni u, it-tieni nett, li dawn l-aspetti relatati mal-ugwaljanza jiġu integrati fil-livelli kollha tal-kompożizzjoni (5) u fil-ħidma ta’ kuljum tas-sezzjonijiet, il-gruppi u l-kummissjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Istrateġija Ewropa 2020, adottata fl-2010, iddefinixxiet it-triq li twassal għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea f’kuntest ekonomiku kkumplikat li kien diġà qed juri sinjali tad-diffikultajiet finanzjarji u politiċi li għaddejja minnhom bħalissa l-Unjoni. L-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi numru ta’ miżuri sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffaċċjaw, b’mod effikaċi u magħqudin flimkien, l-isfidi li qed toħloq il-kriżi, waqt li fl-istess ħin jerġgħu jniedu mudell ta’ tkabbir li jkun aktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

2.2

Inħoloq ukoll proċess ġdid ta’ governanza ekonomika, imsejjaħ is-“semestru Ewropew”, bil-għan li, fuq naħa, tiġi ssinkronizzata l-evalwazzjoni tal-politiki baġitarji u strutturali tal-Istati Membri u, fuq in-naħa l-oħra, tkun tista’ tiġi kkontrollata l-applikazzjoni tal-Istrateġija.

2.3

B’mod parallel, l-Istrateġija għall-ugwaljanza tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Din il-proposta politika ssegwi l-pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) (6) u tikkostitwixxi sal-lum l-aktar tentattiv importanti sabiex jiġi definit sett ta’ objettivi strateġiċi u indikaturi dwar is-sessi.

2.4

Sa mill-1996, l-UE adottat approċċ doppju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi: fuq naħa billi implimentat miżuri speċifiċi sabiex jiġu megħluba d-diskriminazzjonijiet eżistenti li jolqtu lin-nisa u, fuq in-naħa l-oħra, permezz tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru (gender mainstreaming) fid-deċiżjonijiet politiċi (7).

2.5

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju li skontu l-applikazzjoni korretta tal-Istrateġija Ewropa 2020 trid tkun konformi mal-Istrateġija għall-ugwaljanza sabiex ikun hemm risposta effikaċi għall-isfidi tal-kriżi, peress li ż-żewġ strateġiji jissaħħu b’mod reċiproku, u għalhekk jikkondividi l-fehma li esprima l-PE f’dan ir-rigward. Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f’Marzu 2011 (8), wera wkoll ir-rabta stretta bejn iż-żewġ strateġiji u appella sabiex l-istrumenti li jippermettu l-ħruġ mill-kriżi jiġu applikati flimkien.

3.   L-Istrateġija Ewropa 2020 – analiżi tad-dimensjoni tal-ġeneru

3.1

L-ugwaljanza bejn is-sessi ma ġietx indirizzata b’mod speċifiku fit-test, fl-ebda waħda mill-inizjattivi ewlenin. Lanqas ma ssemmiet fil-ħames objettivi kwantifikabbli, ħlief għar-rata ta’ impjieg fejn jissemma li għandu jkun hemm aktar parteċipazzjoni min-nisa fis-suq tax-xogħol. Dan joħloq kontradizzjoni kbira mal-prinċipji msemmija fil-bidu tal-Istateġija Ewropa 2020, fejn jingħad li r-rispett tal-ugwaljanza huwa wieħed mill-fatturi essenzjali sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, fuq l-istess livell tas-solidarjetà ekonomika, soċjali u territorjali, ir-rispett tal-ambjent u d-diversità kulturali.

3.2

Diversi istituzzjonijiet Ewropej, organizzazzjonijiet rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali insistew ħafna fuq il-bżonn li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun prijorità tal-istrateġija l-ġdida ta’ azzjoni u li titqies bħala fattur ewlieni għall-kompetittività u t-tkabbir. Skont il-PE, il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-taħriġ professjonali kellha tiġi inkluża fit-test, bħalma kellu jiġi inkluż programm li jkollu l-għan li jelimina d-differenza fis-salarji bejn l-irġiel u n-nisa.

3.3

Il-formulazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2020 ma kellhiex appoġġ unanimu u rċeviet diversi kritiki minħabba l-kontenut ġenerali ħafna tagħha, struttura kumplessa ħafna u approċċ eċċessivament ekonomiku nieqes mill-aspetti soċjali. Fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, din pjuttost marret lura meta titqabbel mal-istrateġiji preċedenti dwar l-impjieg. L-uniku aspett viżibbli u espliċitu, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa, jinsa b’mod ċar l-aspetti kwalitattivi tax-xogħol u s-sitwazzjonijiet differenti ta’ tluq eżistenti fis-suq tax-xogħol. Tneħħew ukoll l-objettivi kwantitattivi skont is-sess li kienu jeżistu fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

3.4

Il-KESE jqis li la l-Istrateġija Ewropa 2020 u lanqas l-Istrateġija għall-ugwaljanza mhuma ser jilħqu l-objettivi tagħhom jekk ma jittiħdux miżuri konkreti li jtejbu s-sitwazzjoni tan-nisa fl-ambjent soċjali u professjonali. Il-potenzjal kwantitattiv u kwalitattiv tagħhom għandu jiġi appoġġjat bħala kundizzjoni indispensabbli fl-oqsma differenti tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr miżuri konkreti fil-qafas tas-seba’ inizjattivi ewlenin, ser ikun impossibbli li jsir progress fil-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020: tkabbir intelliġenti, sostenibbli u soċjalment inklużiv ma jistax ikun realtà mingħajr politika dwar l-ugwaljanza.

3.5

Il-pjani ta’ riforma tal-Istati Membri differenti għandhom jirrikonoxxu l-valur miżjud li x-xogħol tan-nisa jagħti lill-ekonomija, bħall-valur li ġġib magħha l-professjonalizzazzjoni tas-servizzi lill-individwi (9) u l-problemi konkreti li dawn jiltaqgħu magħhom fis-suq tax-xogħol (aċċess fil-livelli kollha u għall-gruppi kollha ta’ età, karriera professjonali, kontinwità, eċċ.) iżda wkoll fis-soċjetà, fir-rigward ta’ dawk l-aspetti soċjali kollha li l-Istrateġija għall-ugwaljanza tqis bħala kruċjali. Sabiex noħorġu mill-kriżi u niffaċċjaw l-isfidi l-ġodda, l-Istrateġija Ewropa 2020 trid tiġi implimentata permezz tal-istabbiliment ta’ programmi, pjani u miżuri speċifiċi li jagħmluha possibbli li jkun hemm progress fl-ugwaljanza. Dan huwa impossibbli li jsir mingħajr ma jkun magħruf l-impatt differenti li jista’ jkollhom il-miżuri kontra l-kriżi skont is-sitwazzjonijiet differenti ta’ tluq.

3.6

Il-KESE juri t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta’ miżuri konkreti u ta’ indikaturi speċifiċi relatati mal-ġeneru. Dan kollu jimpedixxi milli jiġi mmonitorjat u evalwat jekk sarx progress jew le fl-Istrateġija Ewropa 2020 u jfisser li s-semestru Ewropew huwa nieqes mill-istrumenti neċessarji sabiex tiġi miġġielda l-inugwaljanza waqt li jitqiesu l-punti differenti ta’ tluq b’rabta mar-realtà distinta tal-ġeneru bejn il-pajjiżi, is-setturi u l-oqsma.

3.7

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tipprovdi strumenti effikaċi sabiex jiġi evalwat ir-rwol tal-mara fit-tkabbir tal-Unjoni kif ukoll il-valur miżjud li dan jirrappreżenta f’termini soċjali, bħalma tenfasizza l-Opinjoni tal-KESE (10), li taqbel ma’ studju li sar taħt il-Presidenza Svediża (11). Fost aspetti oħra, dan jenfasizza li l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol tista’ żżid il-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istati Membri b’medja ta’ 27 %.

4.   Prijoritajiet tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015)

4.1

Adottata fl-2010, l-Istrateġija għall-ugwaljanza tiddikjara rabta mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020, fl-aspetti u l-inizjattivi ewlenin kollha, speċjalment fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali adegwati, permezz tal-għajnuna teknika, il-fondi strutturali jew l-istrumenti finanzjarji prinċipali, bħas-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka. Fil-kuntest tal-linji gwida għall-impjieg u l-evalwazzjoni tal-politiki nazzjonali, il-Kummissjoni ser tagħmel monitoraġġ mill-qrib sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tan-nisa.

4.2

L-Istrateġija tirreferi wkoll għar-rwol tal-irġiel fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tindika l-importanza li dawn ikunu involuti sabiex jinkiseb it-tibdil neċessarju fir-rwoli differenti li jaqdu n-nisa u l-irġiel fis-soċjetà, kemm fil-kuntest tal-familja kif ukoll dak professjonali.

4.3

L-Istrateġija għall-ugwaljanza telenka f’dettall il-miżuri relatati ma’ ħames oqsma prijoritarji identifikati fil-Karta tan-Nisa kif ukoll kapitolu dwar kwistjonijiet orizzontali: a) Indipendenza ekonomika ugwali; b) L-istess paga għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur; c) L-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; d) Dinjità, integrità u tmiem għall-vjolenza minħabba d-differenza ta’ sess; e) L-ugwaljanza bejn is-sessi f’azzjonijiet esterni; f) Kwistjonijiet orizzontali (ir-rwoli skont is-sessi, il-leġislazzjoni, il-ġestjoni u l-għodda tal-ugwaljanza).

4.4

Il-KESE jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li l-istrumenti tal-UE bħas-suq uniku, l-għajnuna finanzjarja u l-istrumenti tal-politika barranija għandhom jiġu sfruttati bi sħiħ sabiex jiġu indirizzati l-problemi u jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jqis li jeħtieġ jiġi pprovdut segwitu dwar il-konsistenza bejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istrateġija għall-ugwaljanza u l-istrumenti prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment is-seba’ inizjattivi ewlenin u l-linji gwida, peress li dawn jiġu implimentati kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Membri.

5.   Id-dimensjoni tal-ġeneru fis-seba’ inizjattivi ewlenin  (12)

5.1   Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi

5.1.1

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” (13), il-KESE diġà enfasizza fost aspetti oħra, il-bżonn li jissaħħaħ l-aspett tal-kwalità fil-ħolqien tal-impjiegi. Illum il-ġurnata, minħabba l-kriżi u l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jridu jagħmlu kull sforz sabiex jiggarantixxu li jsir aktar progress f’din id-direzzjoni.

5.1.2

Il-KESE jemmen li sabiex tiġi implimentata din l-inizjattiva jeħtieġ li titqies is-sitwazzjoni attwali tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, peress li għalkemm attwalment dawn jirrappreżentaw l-44 % tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa, is-sitwazzjoni tagħhom tibqa’ differenti u vulnerabbli f’oqsma differenti: rata aktar baxxa ta’ impjieg; id-differenzi fil-pagi; il-konċentrazzjoni jew in-nuqqas ta’ nisa f’setturi partikolari; parteċipazzjoni baxxa fil-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda; xogħol part time (75 % tat-total); kuntratti temporanji; in-nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati għall-kura tat-tfal; diffikultajiet fil-karrieri; in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’pożizzjonijiet b’responsabbiltajiet ogħla, kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi; żbilanċ fl-aċċess għad-diversi dixxiplini fl-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u l-istudji universitarji.

5.1.3

Ir-rata ta’ impjieg żdiedet minn 51 % fl-1997 għal 62 % fl-2011, bl-ikbar żieda essenzjalment tkun f’impjiegi f’setturi li primarjament jimpjegaw nisa u li jintlaqtu l-aktar bil-miżuri ta’ aġġustament. Il-kriżi ekonomika li qed tolqot lill-Unjoni Ewropea, għalkemm b’mod differenti f’kull pajjiż, qed tiggrava wkoll is-sitwazzjoni tal-mara u thedded il-progress fraġli miksub fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-KESE jqis li hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri neċessarji ta’ appoġġ sabiex, fi tmiem il-kriżi, l-inugwaljanza fid-dinja tax-xogħol ma tkunx żdiedet.

5.1.4

B’mod speċjali, il-Fond Soċjali Ewropew irid jipprogramma, jimmonitorja u jevalwa l-attivitajiet kollha implimentati fl-Istati Membri, sabiex jiġi assigurat li jsir progress fl-Istrateġija għall-ugwaljanza.

5.2   Żgħażagħ attivi

5.2.1

Prinċipalment din l-inizjattiva tkopri żewġ oqsma: l-impjieg u t-taħriġ. Il-kontenut tagħha għalhekk huwa marbut mill-qrib mal-inizjattiva preċedenti: tisħiħ tal-mobbiltà fit-taħriġ, il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, il-promozzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim formali u informali u l-garanzija ta’ investiment effikaċi u sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali.

5.2.2

Għall-KESE, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda mill-iktar elementi ta’ tħassib fl-Ewropa. Attwalment din hija ta’ 20 %. Ir-rata tan-nisa żgħażagħ bla xogħol, speċjalment ta’ dawk li għandhom kwalifiki baxxi, hija ogħla.

5.2.3

L-impatt tal-maternità jew il-paternità fuq is-suq tax-xogħol huwa differenti ħafna. Huwa biss l-64,7 % tan-nisa li għandhom tfal ta’ inqas minn 12-il sena li jaħdmu, meta mqabbel mad-89,7 % tal-irġiel. Dawn iċ-ċifri u differenzi jiżdiedu meta jkun hemm numru akbar ta’ tfal. In-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ edukazzjoni preprimarja u l-iżbilanċ fit-tqassim tal-kompiti fil-familja huma problema għall-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħin personali, u dan jirrappreżenta ostakli serji għall-avvanz professjonali tan-nisa.

5.2.4

L-objettivi adottati mill-Kunsill f’Barċellona fl-2002 b’rabta mad-disponibbiltà tal-faċilitajiet ta’ edukazzjoni preprimarja ntlaħqu minn ftit Stati, u hemm ir-riskju li bit-tnaqqis f’dawn is-servizzi pubbliċi, is-sitwazzjoni attwali tiggrava.

5.2.5

Ċifra oħra allarmanti hija r-rata ta’ nisa żgħażagħ li la qegħdin jistudjaw, la qegħdin jaħdmu u lanqas mhuma jsegwu xi taħriġ. Skont il-Eurostat, din is-sitwazzjoni tolqot lill-20 % tan-nisa, meta mqabbel mat-13 % tal-irġiel. It-tnaqqis tar-rata tat-tluq bikri mill-iskola huwa wieħed mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 koperti minn din l-inizjattiva.

5.2.6

Il-KESE jqis li sabiex tiġi implimentata din l-inizjattiva ewlenija, għandha titqies is-sitwazzjoni attwali ta’ nisa żgħażagħ vulnerabbli f’livelli differenti, flimkien ma’ dawk li diġà ssemmew hawn fuq: taħriġ bażiku fqir, inqas aċċess għat-taħriġ professjonali meħtieġ mis-soċjetà ġdida tal-għarfien, validazzjoni insuffiċjenti tal-kompetenzi, nuqqas ta’ gwida professjonali u problemi finanzjarji speċifiċi sabiex joħolqu negozju jew attività tagħhom. Dan kollu jeħtieġ miżuri speċifiċi li jindirizzaw b’mod speċjali lin-nisa żgħażagħ.

5.3   Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar

5.3.1

L-inizjattiva tipproponi li tfassal u timplimenta programmi li jippromovu l-innovazzjoni soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari billi tiġi pprovduta edukazzjoni innovattiva, taħriġ u opportunitajiet ta’ impjieg għall-komunitajiet li l-inqas li jiġu megħjuna, li tiġġieled id-diskrimnazzjoni (pereżempju l-persuni b’diżabbiltà) u li tiżviluppa aġenda ġdida għall-integrazzjoni tal-immigranti bil-għan li jkunu jistgħu jisfruttaw bi sħiħ il-potenzjal tagħhom. Tipproponi wkoll li jiġi evalwat kemm huma adegwati u sostenibbli s-sistemi tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet u li jiġu studjati modi li jiżguraw aċċess aħjar għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Il-KESE għandu r-riservi tiegħu dwar il-kunċett ta’ innovazzjoni soċjali li l-esperimenti relatati miegħu huma ta’ natura frammentata u ftit li xejn jistgħu jiġu trasposti. Dan il-kunċett huwa bbażat kemm fuq il-prinċipju leġislattiv tas-sussidjarjetà kif ukoll fuq kunċett soċjoloġiku bħall-“ekwità”. Jista’ jkun utli li tiġi provduta soluzzjoni lokali għal bżonn espress minn grupp żgħir ta’ nies iżda din ma tistax tissostitwixxi l-ugwaljanza u l-ġustizzja li joffru s-sistemi l-kbar ta’ protezzjoni soċjali kollettiva (14).

5.3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara li l-Istati Membri għandhom bżonn jiddefinixxu u jimplimentaw miżuri adatti li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ gruppi li jinsabu f’riskji partikolari u jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet sabiex jassiguraw appoġġ adegwat għad-dħul finanzjarju u aċċess għall-kura tas-saħħa sabiex tiġi garantita l-koeżjoni soċjali. Iż-żieda fir-rati tal-qgħad u tal-inattività, l-insigurtà ekonomika, il-pagi baxxi, il-miżuri ta’ awsterità u t-tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u fl-għajnuniet għall-familji jolqtu b’mod partikolari lin-nisa. L-ewwel nett bħala ħaddiema, hekk kif it-tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku u s-servizzi jolqothom direttament, peress li dawn huma setturi li l-aktar li jimpjegaw nisa. Jolqtuhom ukoll doppju bħala ċittadini u utenti, jekk inqisu li t-tnaqqis fil-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali jolqot lin-nisa peress li huma l-utenti primarji ta’ dawn is-servizzi.

5.3.3

Fl-Ewropa, aktar minn 70 % tal-ħaddiema b’pagi baxxi huma nisa. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, 17 % tan-nisa jkomplu jintlaqtu mill-faqar, kif ukoll il-15 % tal-irġiel, li hija rata wkoll ta’ tħassib. Il-faqar u l-marġinalizzazzjoni soċjali jimxu id f’id mal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-waqfien mix-xogħol u l-impjiegi prekarji, li huwa komuni ħafna fost in-nisa, speċjalment fost dawk li għandhom kwalifiki baxxi, għandhom effett negattiv immedjat kif ukoll fuq il-perjodu medju u fit-tul.

5.3.4

Il-familji b’ġenitur wieħed, ir-romol, in-nisa b’diżabbiltà, il-vittmi tal-vjolenza sessista, in-nisa anzjani u n-nisa emigranti jintlaqtu b’mod partikolari mit-tnaqqis baġitarju u mill-kriżi u jinsabu f’riskju akbar ta’ esklużjoni soċjali minħabba n-nuqqas ta’ protezzjoni u għajnuna b’miżuri speċifiċi.

5.4   Aġenda diġitali għall-Ewropa

5.4.1

L-għan huwa li jiġi promoss l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u b’mod speċifiku għall-internet u l-użu tiegħu miċ-ċittadini Ewropej kollha, speċjalment permezz ta’ programmi li jżidu l-litteriżmu diġitali u l-aċċessibbiltà.

5.4.2

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu strateġiji għal internet b’veloċità għolja u jikkonċentraw il-fondi pubbliċi, inkużi l-Fondi Strutturali, f’oqsma li mhumiex totalment koperti mill-investimenti privati, u għandhom jippromovu t-tnedija u l-użu tas-servizzi onlajn moderni (pereżempju: gvern elettroniku, saħħa onlajn, abitazzjoni intelliġenti, kompetenzi diġitali, sigurtà) (15).

5.4.3

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ statistika skont il-ġeneru għaliex b’hekk ma tistax tkun magħrufa s-sitwazzjoni tan-nisa fis-setturi professjonali marbuta mat-teknoloġiji l-ġodda jew il-livelli ta’ użu tagħhom. Ikun importanti li jsiru l-istudji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom, anke bħala utenti tas-servizzi, sabiex l-informazzjoni u t-taħriġ propost fl-Istrateġija Ewropa 2020 ikun jista’ jiġi indirizzat b’mod aktar speċifiku.

5.5   Unjoni tal-Innovazzjoni

5.5.1

Fost miżuri oħra, l-inizjattiva għandha l-għan li tippromovi u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni, in-negozju, ir-riċerka u l-innovazzjoni u ser tippromovi l-intraprenditorija. L-Istati Membri jridu jirriformaw is-sistemi nazzjonali u reġjonali tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jitħeġġu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, tingħata prijorità lill-infiq fl-għarfien, tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-università, ir-riċerka u n-negozju, jiġi assigurat numru suffiċjenti ta’ gradwati fil-matematika u l-inġinerija u l-kurrikulu jiffoka fuq il-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija.

5.5.2

In-nisa jistgħu u għandhom jaqdu rwol essenzjali f’dan il-proċess. Fl-2010, madwar 60 % tal-gradwati universitarji kienu nisa u, mingħajr dubju, dan mhux rifless fil-postijiet li għandhom in-nisa fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, attwalment in-nisa jibdew negozju minn kull tlieta, jirrappreżentaw it-13,7 % tal-bords maniġerjali tal-kumpaniji kbar ikkwotati fil-borża u 3 % biss huma presidenti ta’ dawn il-bords.

5.5.3

Fil-maġġoranza tal-pajjiżi għad hemm is-segregazzjoni orizzontali tal-ġeneru skont l-oqsma speċjalizzati ta’ taħriġ: xjenza, inġinerija, matematika, teknoloġija. Dawn l-istudji huma wkoll qasam privileġġjat għall-kooperazzjoni bejn il-mexxejja tad-dinja ekonomika u tar-riċerka speċjalment fost il-programmi tal-masters u tad-dottorat, fejn in-nisa għandhom anqas aċċess. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jittieħdu miżuri li jeliminaw dawn l-ostakli.

5.5.4

In-nisa għadhom sal-lum mhux irrappreżentati biżżejjed fiċ-ċirkli ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fid-dinja xjentifika, kif ukoll f’dik intraprenditorjali u tas-servizzi. In-nisa li għandhom l-ogħla pożizzjonijiet fl-università huma biss 18 %. L-opportunitajiet ta’ impjieg u l-allokazzjoni tal-fondi għar-riċerka għandhom jassiguraw il-progress tan-nisa f’dan il-qasam u jservu sabiex iżidu l-potenzjal għall-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà Ewropea.

5.6   Ewropa effiċjenti fir-riżorsi

5.6.1

L-inizjattiva tipproponi li tiġi adottata u implimentata verżjoni riveduta tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Użu Effiċjenti tal-Enerġija u li jiġi promoss programm sostanzjali għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-appoġġ lill-SMEs u lill-familji, permezz tal-użu tal-fondi strutturali u fondi oħrajn sabiex jinkiseb finanzjament ġdid permezz ta’ sistemi eżistenti ta’ mudelli innovattivi ta’ investiment li rnexxew – dan għandu jippromovi bidliet fl-imġiba tal-konsum u tal-produzzjoni.

5.6.2

L-enerġija u l-ambjent mhumiex suġġetti newtrali: l-użu tal-enerġija, l-aċċess għall-ilma tax-xorb, ir-riċiklaġġ, is-sorsi ta’ sħana sabiex dar ikollha s-sħana u l-elettriku, ir-rispett għall-ambjent u l-konservazzjoni tiegħu, huma xi wħud mill-eżempji li juru li f’dawn l-oqsma, in-nisa jaqdu rwol essenzjali. Il-bidliet fl-imġiba tal-konsum huma inkonċepibbli mingħajr ma jitfasslu miżuri speċifiċi bbażati fuq għarfien konkret tar-realtà u li b’mod differenti jindirizzaw pubbliku distint, u b’mod prinċipali, lin-nisa.

5.6.3

Dan kien rikonoxxut ukoll mill-Kunsill għall-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l- Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2012, fejn enfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu n-nisa fl-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill li n-nisa jistgħu jinfluwenzaw b’mod importanti t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jolqot lill-ambjent, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politika dwar it-tibdil fil-klima. Din hija opportunità ġdida għan-nisa, li jistgħu jaqdu rwol importanti u jtejbu s-sitwazzjoni personali u ekonomika tagħhom billi jinvolvu ruħhom fl-ekonomija ekoloġika ġdida u emerġenti, li huwa settur kruċjali għall-iżvilupp u l-ħolqien tal-impjieg.

5.6.4

Fil-livell intraprenditorjali, id-diskriminazzjoni vertikali f’dan is-settur għadha għolja. Minkejja li 33 % tal-pożizzjonijiet eżekuttivi llum huma okkupati minn nisa, meta mqabbel mal-31 % fl-2001, il-maġġoranza ta’ dawn huma fis-setturi tas-servizzi u l-kummerċ u ħafna inqas fl-industrija tal-manifattura, il-kostruzzjoni jew l-enerġija.

5.6.5

Hemm ftit wisq riċerka u informazzjoni disponibbli li jippermettu li tkun magħrufa r-realtà tas-sessi u dwar il-passi neċessarji sabiex jiżdied il-perċentwali tan-nisa f’dan l-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jemmen li l-investiment huwa importanti iżda hemm bżonn ukoll li ssir ħidma sabiex jingħelbu l-istereotipi, jingħataw soluzzjonijiet u jiġu promossi miżuri relatati mal-azzjoni pożittiva, peress li dan huwa settur li qed jikber u, jekk is-sitwazzjoni tat-tluq hija d-diskriminazzjoni, hemm ir-riskju li soċjalment jiżdiedu d-differenzi u d-distakk soċjali.

5.6.6

Waħda mill-prijoritajiet tal-Istrateġija għall-ugwaljanza hija l-azzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE – fuq naħa, il-programmi ta’ kooperazzjoni mar-reġjuni ġirien, bħala parti mil-politiki Ewropej ta’ viċinat, speċjalment ir-reġjun Euromed u fuq in-naħa l-oħra, l-azzjoni tal-UE fil-forums globali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa immigranti minn pajjiżi terzi, in-nisa li jemigraw fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li jiġu minn pajjiżi ġirien. Il-falliment ta’ Rio+20 fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tan-nisa huwa preokkupanti. Ma sar assolutament l-ebda progress fuq kwistjonijiet kritiċi bħar-rabta bejn is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, id-drittijiet tan-nisa li jkollhom proprjetà u jirtu l-art, it-tibdil fil-klima u l-impjiegi ekoloġiċi.

5.7   Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni

5.7.1

Din l-inizjattiva ewlenija għandha rwol fundamentali sabiex jiġu implimentati l-aspetti tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija għall-ugwaljanza: it-trasparenza tal-pagi, l-inizjattivi favur paga ndaqs u miżuri sabiex in-nisa jitħeġġu jagħżlu professjonijiet mhux tradizzjonali huma xi wħud mill-aspetti prinċipali proposti fl-Istratġija u li juru sinerġija adegwata ma’ din l-inizjattiva.

5.7.2

Fl-Ewropa, id-differenza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa bħala medja hija ta’ 17 %, li tvarja minn 5 % għal 31 % bejn l-Istati Membri. Fatturi interkonnessi differenti jwasslu għal din is-sitwazzjoni, u fost oħrajn insibu valur aktar baxx għax-xogħol f’setturi li jimpjegaw ħafna nisa, segregazzjoni professjonali qawwija u waqfa fil-karriera għal diversi raġunijiet. Is-sitwazzjoni tal-kriżi qed tiggrava din is-sitwazzjoni.

5.7.3

Id-distakk bejn ir-rata ta’ impjieg u l-pagi naqas f’xi każijiet, iżda, sfortunatament, dan ma kienx riżultat ta’ żieda fl-impjieg u s-salarju tan-nisa iżda minħabba tnaqqis fid-domanda f’setturi li b’mod predominanti jimpjegaw lill-irġiel (kostruzzjoni, manifattura, settur finanzjarju), bħala effett dirett tal-kriżi. Il-KESE jfakkar li t-TFUE jiddefinixxi wieħed mill-għanijiet fil-bini tal-Ewropa bħala “(i)t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib” (16), u dan jgħodd għal kulħadd.

5.7.4

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ tnedija mill-ġdid għat-tkabbir ta’ dawn is-setturi f’diffikultà, u b’mod parallel, miżuri sabiex tiġi miġġielda s-segregazzjoni professjonali, b’mod partikolari sabiex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Hemm bżonn ukoll ta’ miżuri sabiex jitjieb ir-rikonoxximent tas-setturi li jimpjegaw l-akbar numru ta’ nisa, pereżempju x-xogħol domestiku, is-servizzi tas-saħħa u l-kura tal-persuni.

6.   Id-dimensjoni tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali ta’ riforma u fis-semestru Ewropew

6.1

Is-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika huwa l-istrument il-ġdid li qablu dwaru l-Istati Membri sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jirrakkomanda li jiġu inklużi perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni tal-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jiġu żviluppati u implimentati l-programmi nazzjonali ta’ riforma. Il-Kumitat jappella wkoll li l-Kummissjoni u l-Kunsill japplikaw il-perspettiva tal-ġeneru fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fil-konklużjonijiet u fir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali speċifiċi għall-pajjiżi.

6.2

F’April 2012, 12-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjonijiet nazzjonali speċifiċi li inkludew id-dimensjoni tal-ġeneru fil-pjani nazzjonali ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni ssuġġeriet u l-KESE jappoġġja riformi speċifiċi fl-oqsma li ġejjin: it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, it-titjib tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal u skejjel miftuħin il-ġurnata kollha, it-titjib fil-kura għall-anzjani, li tinkludi l-kura u l-attenzjoni li jingħataw lil persuni dipendenti oħra.

6.3

Il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jżiedu r-rata ta’ impjieg tan-nisa iżda ma jqisux l-ostakli sabiex ikun hemm xogħol ta’ kwalità fir-rigward tal-pagi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll li n-nisa u l-irġiel ikunu ugwali fir-rigward tar-responsabbiltajiet familjali. Pajjiż wieħed biss, l-Awstrija, ingħata r-rakkomandazzjoni li jindirizza d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa minkejja li din tippersisti fl-Istati Membri kollha.

6.4

Il-KESE jinsab imħasseb dwar xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkollhom effett negattiv fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi: dawk li jirreferu għar-riforma tal-pensjonijiet, il-proposti sabiex jiġu riveduti l-mekkaniżmi tar-reviżjoni tal-pagi u tal-pensjonijiet, iż-żieda fl-età tal-irtirar mingħajr ma jitqiesu s-snin ta’ ħajja b’saħħitha u l-proposta li jiġu introdotti inċentivi fiskali għat-tieni dħul finanzjarju tal-koppja.

Brussell, 17 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 final.

(2)  COM(2010) 491 final, minn issa ’l quddiem tissejjaħ “l-Istrateġija għall-ugwaljanza”.

(3)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102-108.

(4)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 21-26.

(5)  Kompożizzjoni tal-KESE: 343 membru li minnhom 81 (23,6 %) huma nisa. Skont il-Gruppi: Grupp 1: 112-il membru li minnhom 22 (22,1 %) huma nisa, Grupp II: 120 membru li minnhom 32 (26,8 %) huma nisa, Grupp III: 111-il membru li minnhom 27 (24,3 %) huma nisa.

(6)  COM(2006) 92 final u ĠU C 354, 28.12.2010, p. 1-7.

(7)  “Gender mainstreaming” tfisser li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi integrata fit-tendenza dominanti tas-soċjetà, b’tali mod li l-irġiel u n-nisa jiksbu l-istess benefiċċji. Dan jinvolvi analiżi ta’ kull pass tal-politiki – tfassil, implimentazzjoni, segwitu u evalwazzjoni – sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa Kummissjoni Ewropea, Gwida EQUAL (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10-13.

(9)  ĠU C 21, 21.1.2011. p. 39.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15-21.

(11)  Gender equality, economic growth and employment (L-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg), Åsa Löfström (http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=3988&langId=en) (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Il-KESE adotta opinjonijiet għal kull waħda minnhom.

(13)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-28.

(14)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 88-93.

(15)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9-18.

(16)  Artikolu 151 tat-TFUE.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-piraterija marittima: it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 76/03

Relatur: Dr BREDIMA

Nhar it-12 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-piraterija marittima: it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Novembru 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Is-soċjetà ċivili Ewropea m’għandhiex għarfien sħiħ tas-serjetà tal-pjaga tal-piraterija marittima. Il-KESE jixtieq jissensibilizza aktar lis-soċjetà ċivili u lill-opinjoni pubblika Ewropea sabiex jimmobilizza lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għal azzjoni konkreta bl-għan li jelimina l-fenomenu mis-sors. Fl-2011 il-Jum Marittimu Dinji ġie ddedikat għall-ġlieda kontra l-piraterija. In-natura magħmula minn ħafna karatteristiċi tagħha ser tirrikjedi azzjoni ħolistika u mhux waħda frammentarja u improvviżata. Il-piraterija mhijiex kwistjoni remota li qed titwettaq f’xi post fl-Oċean Indjan u li taffettwa biss il-bastimenti attakkati u l-ekwipaġġi tagħhom. Qiegħda taffettwa lill-konsumaturi u l-kontribwenti Ewropej f’ħafna aspetti u mhijiex “sintomu li nistgħu ngħixu bih”.

Il-KESE jippromovi rieda politika konkreta mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE sabiex tinsab soluzzjoni permanenti għall-piraterija.

1.2

L-UE għandha strument uniku b’soluzzjonijiet li jvarjaw mill-għajnuna għan-negozju u l-iżvilupp għall-preżenza militari, il-bini u r-rikostruzzjoni ta’ Stat.

1.3

Il-KESE jilqa’ d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-UE sabiex l-operazzjoni tal-UE/Navfor–Atalanta tittawwal sa Diċembru 2014, u ż-żona tal-operat tiġi estiża lejn il-Lvant u n-Nofsinhar fl-Oċean Indjan u fil-kosta tas-Somalja. Huwa jemmen li l-EU Navfor għandha tingħata mandat iżjed b’saħħtu b’regoli ta’ involviment iżjed b’saħħithom. Il-KESE jħeġġeġ li jinżamm impenn b’saħħtu fir-rigward tan-numru ta’ bastimenti użati mill-Istati Membri tal-UE għal din l-operazzjoni.

1.4

Il-konnessjoni reċenti tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni reġjonali dwar il-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq armat kontra l-bastimenti fl-Asja (ReCAAP) mal-Kodiċi tal-Kondotta ta’ Djibouti u l-konklużjoni, min-naħa tal-UE, ta’ ftehimiet bilaterali għall-prosekuzzjoni tal-pirati mal-Kenja, is-Seychelles, il-Mawrizju u pajjiżi oħra humaa importanti ħafna.

1.5

Il-KESE jappoġġja t-tnedija ta’ missjoni tal-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali min-naħa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). L-“EUCAP NESTOR” ser jassisti lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika fil-ħolqien ta’ pjan ġenerali għall-ġlieda kontra l-piraterija, fl-abbozzar ta’ leġislazzjoni rilevanti u fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-gwardakosta.

1.6

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi li jinsabu fil-proċess ta’ adeżjoni jew li għandhom ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-UE sabiex jinfurzaw l-azzjonijiet legali kontra l-piraterija u l-prosekuzzjoni tal-pirati fl-ibħra internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ lit-tbaħħir sabiex japplika l-Aħjar Prattiki tal-Ġestjoni (BMP4) għall-industrija riveduti rigward miżuri ta’ awtoprotezzjoni abbord il-bastimenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri li qegħdin jippjanaw li jippermettu l-użu ta’ gwardji armati privati kwalifikati għall-protezzjoni ta’ bastimenti vulnerabbli sabiex jikkonformawmal-gwida rilevanti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u jiddefinixxu qafas legali riġidu li, fost l-oħrajn, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-kaptan tal-bastiment, b’mod partikolari f’każ li jinfetaħ in-nar. L-użu ta’ gwardji armati privati ma jikkostitwixxix soluzzjoni u lanqas m’għandu jsir ir-regola iżda huwa biss miżura eċċezzjonali li tikkomplementa l–BMP. L-Istati Membri huma mħeġġa li jipprovdu konvojs taħt skorta militari u jipprovdu lin-NU b’unitajiet militari bbażati fuq l-art (Stakkamenti għall-Protezzjoni tal-Bastimenti – VPDs) li jkunu kapaċi jitilgħu abbord bastiment waqt it-tranżizzjoni minn żoni ta’ riskju għoli.

1.8

Il-KESE jopponi r-restrizzjoni tal-ħlas tal-fidwa li jista’ jkollu effetti kontroproduċenti u jista’ jpoġġi lill-ostaġġi f’riskju ikbar. Għalissa l-fidwa għadha strument sabiex ikun żgurat ritorn sigur tal-baħħara, li jintużaw bħala tarki umani. Il-KESE jikkundanna l-prattika tal-pirati li joqtlu jew jittorturaw lill-baħħara bħala mezz kif jagħmlu pressjoni għall-ħlas tal-fidwa.

1.9

Il-KESE jemmen li l-muftieħ sabiex tissolva l-problema tal-piraterija jinsab fl-intraċċar u l-imblukkar tal-flussi finanzjarji involuti. Huwa jilqa’ li jinżammu fil-mira l-finanzieri u l-koordinazzjoni tal-bażijiet tad-data sabiex jiżdied il-fehim tal-mudell tan-negozju tal-piraterija. L-UE għandha tistabbilixxi lista sewda ta’ istituzzjonijiet finanzjarji involuti fil-ħasil tal-flus relatat mal-piraterija. F’dan ir-rigward ta’ min ifaħħar il-ħidma tal-Europol u tal-Eurojust.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jindirizzaw l-eskalazzjoni tas-serq armat fuq il-baħar (ARAS) u s-serq taż-żejt fl-Afrika tal-Punent u fil-Golf tal-Guinea. Billi l-modus operandi għall-ARAS huwa differenti ħafna minn dak tal-pirati Somali, għandhom jiġu appoġġjati miżuri speċifiċi għal dan ir-reġjun. Fl-Oċean Indjan, tliet miljun barmil taż-żejt u 50 % tal-kummerċ dinji tal-containers kuljum jgħaddu minn żoni infestati bil-piraterija.

1.11

Il-KESE jenfasizza l-urġenza li jinħelsu l-218-il baħħar li attwalment huma miżmuma bħala ostaġġi u jħeġġeġ it-taħriġ vokazzjonali kontra l-piraterija tal-baħħara sabiex jipproteġu lilhom innifishom u l-kliniki tal-kura tas-saħħa tal-baħħara li jkunu miżmuma bħala ostaġġi. Tliet Konvenzjonijiet internazzjonali (il-Konvenzjoni dwar l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-2010; il-Kodiċi Internazzjonali tas-Sigurtà fuq il-Bastimenti u fil-Portijiet tal-2004; il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006), jipprovdu bażi legali għat-taħriġ ta’ qabel l-imbarkazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji abbord, ir-ripatrijazzjoni, il-kumpens, il-ħolqien ta’ rabtiet familjali u l-kura tal-baħħara wara r-rilaxx tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ dawn il-Konvenzjonijiet u tifformula gwida komprensiva ġdida għall-benesseri tal-baħħara li kienu jew jistgħu jsiru vittmi tal-piraterija u tal-familji tagħhom. L-UE għandu jkollha rwol ta’ gwida fl-emendar ta’ dawn il-Konvenzjonijiet Internazzjonali sabiex tqis il-miżuri għall-baħħara li jinżammu ostaġġi.

1.12

L-elezzjonijiet tal-20 t’Awwissu 2012 kienu avveniment kruċjali fl-istorja tal-istat li falla tas-Somalja. Il-KESE jimpenja lilu nnifsu li jikkoopera fl-azzjoni futura tal-UE li tassisti l-proċess ta’ ħolqien tas-soċjetà ċivili tagħha f’konformità ma’ azzjoni simili rigward pajjiżi Afrikani oħra.

1.13

Il-KESE jitlob għal azzjoni kkoordinata tal-UE sabiex parti mill-għajnuna għall-iżvilupp jew riżorsi oħra jkunu ddedikati għat-taħriġ taż-żgħażagħ fil-professjoni ta’ sajjied, għall-promozzjoni ta’ agrikoltura sostenibbli u fl-intraprenditorija. Il-kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti għaż-żgħażagħ tas-Somalja jistgħu jagħmlu inqas interessanti l-karrieri fil-piraterija.

2.   Il-problema b’aspetti diversi tal-piraterija

2.1   Il-kumplessità tal-piraterija

2.1.1

Wara ħames snin ta’ żieda fl-attakki minn pirati fuq bastimenti tal-merkanzija fil-Golf tal-Aden, il-Baċin Somalu, il-Baħar Għarbi u l-Oċean Indjan, iċ-ċifri statistiċi jistgħu jkunu qarrieqa rigward it-trażżin tal-problema tal-piraterija. Suppożizzjoni bħal din tkun żbaljata billi tkun qiegħda tinjora l-effett ta’ imitazzjoni u ż-żieda tal-piraterija fl-Afrika tal-Punent. Huwa ta’ dispjaċir li l-problema tal-piraterija hija kwistjoni mifruxa mad-dinja kollha li qed isseħħ ukoll fl-Indoneżja, il-Malakka/l-Istrett ta’ Singapore, l-Ibħra taċ-Ċina tan-Nofsinhar u l-Amerika t’Isfel. Il-figuri attwali (tal-24 ta’ Settembru 2012) jindikaw 50 inċident fis-Somalja, 34 fil-Golf ta’ Guinea u 51 fl-Indoneżja.

2.1.2

L-użu tal-bastimenti li jġorru bastimenti oħra żgħar magħhom ippermetta lill-pirati li joperaw b’iżjed suċċess. It-tattiki li dejjem qed jinbidlu u t-tagħmir li jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ miri u għodod għad-dħul fiċ-ċittadelli abbord il-bastimenti għamilhom iżjed aggressivi, sofistikati u vjolenti u okkażjonalment dan jirriżulta fil-mewt tal-baħħara.

2.1.3

Il-piraterija tibda bħala problema marittima, tevolvi fi problema umanitarja, kummerċjali u ekonomika globali u taffettwa l-konsumaturi dinjin. L-ispejjeż tagħha jistgħu jiżdiedu ħafna f’każ ta’ tfixkil tal-katina tal-provvista tal-merkanzija u l-enerġija, jekk il-komunità dinjija ma tindirizzax b’mod effikaċi l-attivitajiet ta’ piraterija jew jekk l-unjins tal-baħħara jirrifjutaw li jsir tbaħħir fiż-żoni infestati. Kull sena tmintax-il elf bastiment jgħaddu minn dawn iż-żoni. Il-piraterija fil-Golf tal-Aden/Qarn tal-Afrika jirrappreżenta theddida strateġika għall-UE peress li dan jolqot it-traffiku fil-kuridur prinċipali Ewropa-Asja. Il-kumpaniji qegħdin dejjem aktar jużaw ir-rotta marittima tal-Cape of Good Hope sabiex jevitaw il-Kanal Suez. Il-piraterija saret attività kriminali li tħalli qligħ kbir u tirrappreżenta karriera attraenti għaż-żgħażagħ taż-żona. L-ispejjeż tagħha huma sproporzjonati għan-numru ta’ pirati involuti (fis-Somalja huma madwar 1 500). Il-piraterija qiegħda tfixkel il-kunsinna tal-għajnuna f’ikel tal-UE meta l-aktar li jkollhom bżonnha l-vittmi tan-nixfa Afrikana. Il-preżenza navali fl-Oċean Indjan tista’ tixxebbah mal-“għassa taż-żona tal-Ewropa b’20 karozza tal-pulizija”.

2.1.4

L-impunità tal-atti ta’ piraterija u l-imminar tad-dritt u l-ordni internazzjonali (il-Konvenzjoni UNCLOS 1982) mhumiex tollerabbli u l-UE teħtieġ turi rieda politika qawwija sabiex teradika dan il-fenomenu. Il-Grupp ta’ Kuntatt tan-NU dwar il-piraterija lil hinn mix-xtut tas-Somalja ħeġġeġ il-ħolqien ta’ strateġija globali, inklużi miżuri preventivi u dissważivi, gwida operattiva għal kooperazzjoni aħjar tal-forzi navali, il-prosekuzzjoni tal-pirati u r-rintraċċar tar-riżorsi finanzjarji tagħhom.

2.1.5

L-UE li tikkontrolla 40 % tat-trasport marittimu dinji ma tistax tippermetti ż-żieda mingħajr kontroll tal-piraterija. Kif iddikjara l-Kummissarju għat-Trasport, is-Sur Kallas, “Il-piraterija fil-baħar hija theddida ġenwina għall-politika tat-trasport tal-UE”. Barra dan, qegħdin jiġu mhedda l-kummerċ estern tal-UE, il-provvista u s-sigurtà tal-enerġija, il-benesseri tal-baħħara u t-twassil tal-għajnuna umanitarja.

2.2   L-ispiża f’ħajja ta’ bnedmin tal-piraterija

2.2.1

Matul l-2011 inqatlu iżjed minn seba’ baħħara u 39 ġew feruti mill-pirati. Fl-2012 (aġġornat sal-24 ta’ Settembru), sitt baħħara ġew maqtula u 448 miżmuma ostaġġ wara 225 attakk u 24 ħtif. Fit-30 ta’ Ġunju 2012 il-pirati qabdu 11-il bastiment u 218-il baħħar ittieħdu bħala ostaġġi fis-Somalja Iżjed minn 43 baħħar inqatlu u 2 653 inżammu bħala ostaġġi sa mill-2007 f’inċidenti ta’ piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja.

2.2.2

Is-sidien internazzjonali tal-bastimenti u l-assoċjazzjonijiet tal-baħħara (pereżempju il-Kamra Internazzjonali tat-Tbaħħir [ICS], il-European Community Shipowners’ Associations [ECSA], il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport [ETF], il-Forum Asjatiku tas-Sidien tal-Bastimenti [ASF], ir-raggruppament SOS “Insalvaw il-Baħħara Tagħna” magħmul minn 31 organizzazzjoni tal-industrija marittima internazzjonali) ingħaqdu sabiex iżidu l-għarfien tal-prezz f’ħajja ta’ bnedmin u l-prezz ekonomiku tal-piraterija permezz tal-midja u billi ħolqu rapporti ma’ politiċi u l-industrija fl-ogħla livelli. L-ASF (24 ta’ Mejju 2012) żvela li f’dawn l-aħħar seba’ snin mietu 62 baħħar bħala riżultat ta’ azzjonijiet ta’ piraterija u 4 000 inżammu bħala ostaġġi fuq madwar 200 bastiment maħtuf mill-pirati Somali. Waqt li l-attakki ta’ piraterija fl-Oċean Indjan naqsu għal-ewwel darba f’ħames snin (2007-2012), in-numru ta’ baħħara maqtula ttripla f’dawn l-aħħar sentejn (is-Sultan AHMED BIN SULAYEM/President ta’ DP World, 30.6.2012). Għalhekk m’hemmx lok għall-kompjaċenza.

2.2.3

L-ewwel pass għat-trażżin tal-piraterija għandu jkun il-prevenzjoni tal-att kriminali, mhux il-prevenzjoni tal-ħlasijiet li jiżguraw il-ħelsien tal-vittmi ta’ dak l-att kriminali. L-imwiet tal-baħħara m’għandhomx jiġu aċċettati bħala “dannu kollaterali” fil-gwerra kontra l-piraterija (Nautilus International).

2.3   L-ispiża ekonomiku tal-piraterija

2.3.1

Ta’ min jinnota żewġ rapporti dwar id-dinamika ekonomika tal-piraterija:

2.3.2

The Economic Cost of Maritime Piracy (L-ispiża ekonomika tal-piraterija marittima) (Diċembru 2010) janalizza l-ispejjeż diretti: il-fidwa, il-primjums tal-assigurazzjoni, it-tibdil tar-rotot madwar il-Cape of Good Hope, miżuri ta’ sigurtà deterrenti, gwardji armati, l-iskjerament ta’ tliet missjonijiet navali, prosekuzzjonijiet, il-finanzjament ta’ organizzazzjonijiet kontra l-piraterija, il-prezz umanitarju. L-istima tiegħu tal-ispiża ġenerali annwali hija ta’ bejn USD 7 u 12-il biljun. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni One Earth ikkalkulat l-ispiża tal-fidwa għall-2009-2010 għal USD 830 miljun, u l-ispiża annwali għal tagħmir ta’ deterrent u suldati privati ta’ bejn USD 360 miljun u 2,5 biljun fis-sena.

2.3.3

The Economics of Piracy (Il-valur ekonomiku tal-piraterija) (Mejju 2011), janalizza l-“katina tal-valur” tal-piraterija bejn il-pirati, il-finanzjaturi, l-accountants u l-fornituri tal-armi. Huwa juri kif il-piraterija tista’ tkun għażla li trendi ħafna iżjed meta mqabbla mal-PDG/capita fis-Somalja (id-dħul tal-pirati jista’ jkun 67-157 darba iżjed mid-dħul medju fis-Somalja). Huwa jiffoka fuq il-ħtieġa li s-sistema informali tat-trasferiment tal-flus magħrufa bħala Hawala tiġi rintraċċata u jistima li l-ispiża annwali hija ta’ bejn USD 4,9 u USD 8,3 biljun.

3.   L-azzjoni tal-UE

3.1   L-istituzzjonijiet Ewropej

3.1.1

Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom dwar sħubija sabiex jiġu miġġielda l-piraterija marittima u s-serq armat fl-Oċean Indjan tal-Punent (Londra, 15 ta’ Mejju 2012), l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) saħqu fuq id-determinazzjoni tagħhom li jżidu l-kapaċità tagħhom li jikkumbattu l-piraterija marittima u s-serq armat u li jtejbu l-governanza marittima fl-Oċean Indjan tal-Punent. Il-“Kodiċi tal-Kondotta Djibouti” sar mezz ewlieni li jippermetti li 18-il Stat fl-Afrika tal-Lvant jifformulaw tweġiba reġjonali għall-problema. Barra minn hekk, l-UE tat appoġġ finanzjarju lill-Uffiċċju Marittimu Internazzjonali (IMB) għal perjodu ta’ tliet snin fir-rigward tal-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Rappurtaġġ tal-IMB kontra l-piraterija li l-għan tiegħu huwa li jelimina l-piraterija u s-serq armat fuq il-vapuri.

3.1.2

Il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Piraterija Internazzjonali jesplora metodi ta’ trażżin tal-benefiċjarji billi l-flus imħallsa għall-fidwa, b’valur ta’ EUR 300-500 miljun, qegħdin imorru għand il-mexxejja tan-netwerk Somali li jiddepożitawhom – possibbilment anke f’banek tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ li dawn is-somom għandhom jiġu rintraċċati u konfiskati sabiex b’hekk il-piraterija ma tibqax negozju attraenti.

3.1.3

Wara l-adozzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika, il-ħatra ta’ Rappreżentant Speċjali li jikkoordina l-azzjoni tal-UE fir-reġjun hija pass fid-direzzjoni t-tajba.

3.1.4

Il-KESE jilqa’ r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Piraterija Marittima (10 ta’ Mejju 2012) li għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-pirati u fil-bini mill-ġdid tas-Somalja bħala stat sovran.

3.1.5

F’serje ta’ opinjonijiet preċedenti, sa mill-2008 l-KESE esprima tħassib dwar il-proliferazzjoni tas-serq armat u l-piraterija fix-Xlokk tal-Asja u l-Afrika (1). Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromovi l-ħolqien ta’ ġurisdizzjonijiet adatti sabiex tiffaċċja l-impunità attwali tal-pirati u oppona b’mod kategoriku l-armar tal-baħħara. Il-KESE ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Membri teżamina t-taħriġ tal-baħħara kontra l-piraterija.

3.1.6

Fil-konferenza tiegħu dwar “Il-faxxinu tal-professjonijiet marittimi” (7 ta’ Mejju 2010), il-KESE identifika l-piraterija bħala waħda mill-fatturi li jidiżinċentivaw lill-persuni milli jagħżlu l-professjoni ta’ baħħara u li timpedixxi l-kampanji milli jagħmlu din il-professjoni attraenti.

3.2   L-imsieħba soċjali Ewropej (ECSA/ETF)

3.2.1

Il-European Community Shipowners’ Associations (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) (31 ta’ Lulju 2012) jesprimu tħassib f’Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-attakki kontinwi minkejja s-suċċess tal-isforzi internazzjonali u Ewropej. Huma Hpoġġew l-eradikazzjoni tal-piraterija f’post ewlieni fuq l-aġenda tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali għat-Trasport Marittimu (SSDC).

4.   Reazzjoni iżjed ikkoordinata min-naħa tal-UE

4.1

Il-piraterija, li hija problema kumplessa u ta’ ħafna aspetti diversi, tista’ tiġi solvuta biss b’approċċ ħolistiku u kkoordinat fuq il-kosta u fuq il-baħar. L-UE tinsab f’pożizzjoni unika li tipprovdi approċċ bħal dan: hija parti interessata rrispettata ħafna fir-reġjun f’termini diplomatiċi, kummerċjali, ta’ trasport, militari u umanitarji.

4.2

Il-baħħara għadhom qed iħallsu prezz għoli. L-isforzi kollha għandhom ikunu mmirati sabiex l-integrità fiżika, mentali u psikoloġika tagħhom ma titqiegħedx fil-periklu. Il-Kamra Internazzjonali tat-Tbaħħir (ICS) fasslet linji gwida ta’ prattika tajba għall-kumpaniji tat-tbaħħir sabiex tgħin lill-baħħara affettwati u l-familji tagħhom.

4.3

Billi l-kawżi oriġinarji tal-piraterija jirrikjedu soluzzjoni fit-tul fuq il-kosta, il-bini tal-kapaċitajiet fis-Somalja huwa ta’ importanza vitali sabiex tintemm l-impunità u jiġi restawrat l-istat tad-dritt. Huwa meħtieġ iktar impenn mill-istati tal-bandiera tal-UE sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-forzi navali u l-prosekuzzjoni tal-pirati.

4.4

Sa mill-qawmien mill-ġdid tal-piraterija fl-2007, dak li issa huwa meħtieġ huwa r-rieda politika li titqiegħed fil-quċċata tal-aġenda politika tal-UE u li jiżdiedu r-riżorsi għal iżjed inġenji tal-ajru u bastimenti militari. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkollaboraw mal-Kunsill Ewropew sabiex jidentifikaw is-setturi ta’ kompetenza għal azzjoni fil-ġlieda kontra l-piraterija u l-bini tal-kapaċitajiet fis-Somalja. Il-Bank Dinji, l-Interpol u l-Europol jistgħu jassistu fil-ġlieda kontra l-intraċċar tal-ammonti mħallsa bħala fidwa.

4.5

Il-leġislazzjoni tal-Istati Membri tal-UE għal kontra l-piraterija teħtieġ li tiġi aġġornata:

peress li f’xi pajjiżi, il-piraterija m’għadhiex meqjusa bħala reat kriminali, għandu jinħoloq qafas legali iżjed ċar dwar il-ġurisdizzjonijiet responsabbli għall-prosekuzzjoni tal-pirati;

rigward il-proposti sabiex il-prezzijiet tal-fidwa jsiru illegali, projbizzjoni bħal din jista’ jkollha effetti mhux intenzjonati u tista’ tqiegħed f’iżjed periklu l-ħajjiet. Meta jitqies kollox, il-ħlas tal-prezzijiet tal-fidwa għandu jkun permess fl-UE;

l-impjegar ta’ gwardji armati privati akkreditati kif xieraq għandu jkun permess fl-Istati Membri, bil-kundizzjoni li jiġi adottat qafas legali strett li, fost affarijiet oħra, jagħmel lill-Istat Membru ta’ stabbiliment responsabbli għat-taħriġ ta’ dawn il-gwardji u jistabbilixxi t-termini tar-responsabbiltà tal-kaptan, partikularment fil-każ meta jinfetaħ in-nar;

l-UE għandha, flimkien mal-pajjiżi kostali tar-reġjun, tesplora l-problemi li jinħolqu mit-tranżitu ta’ bastimenti li jkollhom il-gwardji armati abbord.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika – Konnessjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa: Lejn tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport”, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 69.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara”, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 69.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu/Responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera u kontroll tal-port”, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 153.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħolqien ta’ Tikketta Soċjali Ewropea” (opinjoni esploratorja)

2013/C 76/04

Relatur: is-Sinjura RODERT

Nhar it-3 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jħejji Opinjoni esploratorja dwar

Il-ħolqien ta’ tikketta soċjali Ewropea.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar 2013), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-opportunità li jesprimi ruħu dwar il-proposta tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew għal proġett pilota dwar tikketta soċjali Ewropea għall-2013. Però s-sitwazzjoni nbidlet minn meta ntalbet l-opinjoni ’l hawn, peress li t-test tal-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2012 ġie adottat mingħajr l-ebda referenza għal dan il-proġett pilota.

1.2

Fil-prinċipju, il-KESE jappoġġja l-idea li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali fl-Ewropa u jaqbel li tiġi rikonoxxuta u mħeġġa r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR). Madankollu huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-ebda każ m’għandha tissostitwixxi d-drittijiet soċjali garantiti mill-istrumenti legali jew internazzjonali, fejn id-djalogu soċjali jaqdi rwol ċentrali.

1.3

Bħala l-ewwel pass jeħtieġ għalhekk li jiġu ċċarati aħjar il-valur miżjud, l-iskedar u l-enfasi ta’ din il-proposta fir-rigward tal-għanijiet politċi tagħha. Dawn l-għanijiet huma importanti, però fiċ-ċirkostanzi attwali jistgħu jinkisbu b’mod aktar effettiv permezz ta’ leġislazzjoni soċjali implimentata aħjar u aktar stretta.

1.4

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jistqarr li, għalkemm din l-inizjattiva hija importanti, il-proposta tista’ tkun ikkumplikata wisq fi żmien meta l-Ewropa għaddejja minn kriżi b’rata għolja ta’ qgħad u numru dejjem jikber ta’ fallimenti. Tikketta soċjali għall-finijiet ta’ CSR tindika biss l-attivitajiet ta’ intraprenditorija soċjali li huma volontarji, iżda dawn bejniethom ivarjaw minħabba d-differenzi fil-leġislazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li l-leġislazzjoni Ewropea tipprevedi biss standards minimi. Ma jkunx ta’ siwi li jiġu introdottti miżuri addizzjonali għall-intrapriżi peress li f’dan iż-żmien hemm ir-riskju li jitwessa’ d-distakk bejn l-intrapriżi ta’ daqs differenti u l-Istati Membri tal-UE minflok tissaħħaħ il-koeżjoni bejniethom.

1.5

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-inizjattivi paralleli bħal pereżempju t-tikkettar soċjali fil-qasam tal-intraprenditorija soċjali (is-suġġett tal-“Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali”). F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li nistennew u nisiltu tagħlimiet mir-riżultati tal-eżerċizzju li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-inventarju tat-tikketti soċjali fil-qasam tal-intraprenditorija soċjali. F’din il-proposta għandhom jiġu kkunsidrati wkoll inizjattivi oħra li jikkoinċidu bħal pereżempju l-premji l-ġodda tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist pubbliku, eċċ.

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jqis li jeħtieġ li tingħata evidenza aħjar tal-kredibbiltà, il-leġittimità u l-vijabbiltà ta’ tikketta soċjali volontarja. It-trawwim ta’ fiduċja u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta’ sistema ġdida ta’ tikkettar fil-livell Ewropew jirrikjedu sistema komprensiva ta’ akkreditazzjoni u ta’ monitoraġġ, li r-rilevanza tagħha għandha titqabbel mal-benefiċċji ta’ sistema addizzjonali ta’ tikkettar. F’dan il-kuntest, qabel ma tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ tikketta soċjali Ewropea ġdida, il-KESE jirrakkomanda li jsir inventarju komprensiv tas-sistemi eżistenti ta’ tikkettar fl-Istati Membri differenti, jiġu identifikati l-aħjar prattiki u jinsiltu tagħlimiet minn prattiki li ma rnexxewx. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li jittejbu s-sistemi eżistenti ta’ tikkettar u li dawn jibdew ikopru wkoll ir-responsabbiltà soċjali (fejn dan għad mhuwiex il-każ).

1.7

Jeħtieġ ukoll sensibilizzazzjoni dwar is-sistemi li diġà jeżistu u dwar l-intrapriżi li diġà jużawhom, filwaqt li intrapriżi oħra għandhom jitħeġġu jużawhom minflok tinħoloq sistema addizzjonali fejn il-konsumaturi u l-intrapriżi jkollhom jiffamiljarizzaw ruħhom magħha. Barra minn hekk, l-azzjoni ta’ komunikazzjoni Ewropea dwar it-tikketti Ewropej għandha tiġi kkunsidrata, tal-anqas fil-perjodu medju, għal finijiet ta’ sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi u ċ-ċittadini.

1.8

Madankollu, jekk f’xi punt titnieda tikketta, bil-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet, it-tikketta soċjali Ewropea m’għandhiex titbiegħed wisq mill-istandardizzazzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment iżda għandha tinkludi aspett tipikament Ewropew: ir-rispett tad-drittijiet soċjali.

2.   Daħla

2.1

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew ippropona li jitnieda proġett pilota għal tikketta soċjali Ewropea fl-2013, imma t-test tal-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew dwar il-proġetti pilota għall-2013 ġie adottat mingħajr l-ebda referenza għal din il-proposta f’Ottubru 2012 (1). Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ġdida, din l-Opinjoni ser tiffoka primarjament fuq li tagħti kontribut għall-proġett pilota propost.

2.2

L-idea li fuqha hija bbażata din il-proposta hija li jingħata kontribut għal Ewropa aktar soċjali fejn l-istandards minimi eżistenti fil-qasam soċjali u tal-liġi dwar l-impjieg jiġu nfurzati b’mod aktar effettiv. L-għan hu li jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi, jiġi appoġġjat l-impjieg taż-żgħażagħ u jiġi miġġieled il-faqar permezz tal-introduzzjoni ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni gradwali fil-forma ta’ “tikketta soċjali Ewropea”.

2.3

It-talba tal-Parlament Ewropew lill-KESE tikkonċerna b’mod partikolari (a) l-impatt u l-benefiċċji tat-tikketta f’diversi oqsma ta’ politika; (b) it-tipi ta’ intrapriżi li jistgħu jkunu interessati fuq bażi volontarja; (c) il-possibbiltajiet li jeżistu għall-ħolqien ta’ tikketta gradwali; (d) il-kriterji li għandhom jiġu rispettati biex tinkiseb it-tikketta kif ukoll (e) il-miżuri li għandhom jittieħdu għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku f’dan ir-rigward.

2.4

Il-proposta tal-Kumitat għall-Impjiegi għal tikketta soċjali hija intiża li tkun volontarja u bla ħlas. Hija mmirata lejn l-intrapriżi kollha fl-UE, b’mod speċjali lejn l-SMEs (2) u l-mikrointrapriżi (3). L-għan hu li tinħoloq Ewropa b’responsabbiltà soċjali akbar billi jiġu garantiti standards soċjali għoljin fl-intrapriżi kollha tal-UE. Il-proposta għandha l-għan ukoll li tarmonizza s-sistemi ta’ tikkettar eżistenti kif ukoll li tuża skala ta’ klassifikazzjoni biex jiġu identifikati punti potenzjali ta’ titjib. L-idea hi li tintuża lista ta’ kriterji soċjali biex tiġi valutata r-responsabbiltà soċjali interna ta’ kull intrapriża billi tingħatalha wieħed mid-diversi livelli tat-tikketta soċjali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-fehma tal-KESE, l-isforzi għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali u tal-valuri soċjali fl-Ewropa huma importanti, iżda għandhom jiġu kkunsidrati l-valur miżjud, l-iskeda u l-enfasi ta’ dan il-proġett kif ukoll tal-inizjattivi li diġà għaddejjin bħalissa f’oqsma relatati. Għaldaqstant il-KESE jixtieq li jkun hemm argumenti aktar ċari dwar il-valur miżjud provdut minn inizjattiva bħal din u għal min kif ukoll dwar il-kontribut għal-leġislazzjoni Ewropea.

3.2

Dan l-aħħar, il-KESE nnota fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-“Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (4) li din tinvolvi approċċ marbut mal-iżvilupp sostenibbli. F’din l-Opinjoni l-KESE enfasiza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn “ir-responsabbiltà soċjali” (fil-post tax-xogħol biss) u “r-responsabbiltà soċjetali” (lil hinn mill-post tax-xogħol).

3.3

Abbażi ta’ dawn id-definizzjonijiet, il-proposta tal-Kumitat għall-Impjiegi għal tikketta soċjali tidher li tikkonċerna “r-responsabbiltà soċjali” u peress li tindirizza lill-intrapriżi kollha tal-UE għandha tiġi kkunsidrata l-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE għar-responsabbiltà soċjali korporattiva 2011 (5), li diġà tkopri aspetti simili.

3.4

Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, kif għamel il-KESE fil-passat, li r-responsabbiltà soċjali korporattiva fl-ebda ċirkostanza m’għandha tintuża bħala sostitut għad-drittijiet soċjali garantiti bl-istrumenti legali jew internazzjonali li huma r-responsabbiltà primarja tal-pajjiżi u l-gvernijiet. Barra minn hekk, ħafna intrapriżi jassumu aktar responsabbiltà volontarjament u għalhekk huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-teħid ta’ aktar responsabbiltà soċjali lil hinn mir-rekwiżiti statutorji għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ. Il-KESE jemmen li, flimkien mal-istrumenti legali, kull intrapriża għandha ssib il-mod ta’ responsabbiltà soċjali tagħha. Tikketta għall-finijiet ta’ CSR fiha r-riskju li tmexxi l-enfasi minn fuq l-innovazzjoni soċjali għal sforzi lejn konformità mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni.

3.5

L-idea ta’ tikketta soċjali diġà kienet issemmiet preċedentement b’rabta mal-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-intrapriżi soċjali u l-KESE indirizza l-kwistjoni b’mod attiv f’bosta opinjonijiet (6). Il-Komunikazzjoni “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (7) tirreferi għal tikketta soċjali b’rabta mal-intraprenditorija soċjali u n-negozju soċjali. Din imbagħad ġiet segwita minn azzjoni ewlenija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Inizjattiva għan-negozju soċjali” (8) li għandha l-għan li ttejjeb l-opportunitajiet tal-intrapriżi soċjali li joperaw, jikkompetu u jikbru fl-istess kundizzjonijiet bħal intrapriżi oħra. Waħda mill-proposti f’din l-inizjattiva kienet il-ħolqien ta’ bażi tad-data pubblika ta’ tikketti u ċertifikazzjonijiet bil-għan li jitjieb il-fehim fost il-partijiet interessati u jkunu jistgħu jitqabblu l-forom differenti ta’ tikketti ta’ intrapriżi soċjali fl-UE. Barra minn hekk, fil-futur qarib, il-Kummissjoni beħsiebha tniedi studju dwar l-intrapriżi soċjali, li jelenka fejn jeżistu intrapriżi soċjali u x’forma għandhom, kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi, ir-regoli u l-mudelli applikabbli għal dawn it-tipi ta’ intrapriżi.

3.6

Il-KESE jqis li l-inventorju futur tal-intrapriżi soċjali, kif previst fil-qafas tal-inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali, għandu jsir b’mod separat u qabel ma titwettaq il-ħidma għal definizzjoni usa’ tat-tikketti soċjali tal-intrapriżi. Fil-fehma tal-KESE din il-ħidma kontinwa għandha titlesta qabel ma tiġi kkunsidrata sistema ta’ tikkettar usa’ peress li l-inventorju tas-sistemi ta’ tikkettar eżistenti tal-intrapriżi soċjali jista’ jagħti kontribut utli għall-possibbiltajiet u l-benefiċċji ta’ sistema usa’. Barra minn hekk, inizjattivi relatati oħra, bħal pereżempju l-kunsiderazzjonijiet soċjali fl-akkwist, il-premji ġodda tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u pjattaformi tas-settur fil-qasam tat-tikkettar tal-intrapriżi soċjali għandu jkollhom iż-żmien li jimmaturaw qabel ma jitnedew azzjonijiet oħra.

3.7

Il-KESE jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-proposta tal-Kumitat għall-Impjieg (relatata mar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi) u l-inizjattiva għan-negozju soċjali peress li għandhom objettivi differenti u għalhekk iridu jiġu trattati b’modi differenti. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kumitat għall-Impjiegi biex jikkunsidra l-użu ta’ terminu differenti fil-proposta tiegħu, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni addizzjonali fit-terminoloġija. Dan is-suġġeriment jingħata aktar importanza minħabba l-fatt li jeżistu atturi fil-qasam tal-intrapriżi soċjali, li diġà huma ċertfikati u jużaw tali terminu bħala tikketta tal-intrapriżi soċjali bħal fil-każ tas-“Social Entreprise Mark” (9).

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-mistoqsijiet li saru mill-Kumitat għall-Impjieg

4.1

L-għan tal-proposta għal proġett pilota dwar tikketta soċjali huwa li l-intrapriżi jitħeġġu jmorru lil hinn mill-obbligi statutorji tagħhom huma u jimpenjaw ruħhom biex ikunu aktar soċjalment responsabbli. Din l-inizjattiva hija importanti ħafna, però ta’ min jistaqsi jekk tikketta soċjali Ewropea, f’din il-klima ekonomika, hijiex miżura wisq ikkumplikata meta mqabbla mal-valur miżjud tagħha. L-għanijiet politiċi tal-proposta huma t-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi u l-impjieg taż-żgħażagħ u l-ġlieda kontra l-faqar. Dawn l-oqsma kollha huma ta’ importanza ewlenija għall-Ewropa, iżda l-KESE jemmen li r-rabta bejniethom u tikketta soċjali volontarja huma dgħajfa wisq biex ikunu effettivi. Il-KESE huwa pjuttost tal-opinjoni li dawn l-għanijiet ser jinkisbu b’mod aktar effettiv billi tissaħaħ u tiġi infurzata aħjar il-leġislazzjoni f’dan il-qasam u billi jiġġedded u jissaħħaħ il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni fil-qasam soċjali.

4.2

Il-KESE jqis li huwa importanti wkoll li jiġi nnutat li l-proposti f’dan ir-rigward għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju li intrapriżi b’saħħithom u kompetittivi jaqdu rwol ċentrali fit-tkabbir ekonomiku u b’hekk joħolqu kundizzjonijiet sostenibbli għal standards soċjali aħjar.

4.3

Il-proposta tipprevedi wkoll sistema ta’ evalwazzjoni gradwali u progressiva abbażi ta’ kemm intrapriża tirrispetta sensiela ta’ kriterji soċjali bħal pagi deċenti, sigurtà soċjali, kura tas-saħħa, ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kura tat-tfal, teleworking, eċċ. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika li għaddejjin minnha bħalissa u d-diffikultajiet kbar li qed jiffaċċjaw xi pajjiżi, il-KESE jinsab imħasseb li bħalissa hemm ir-riskju li sistema ta’ evalwazzjoni progressiva bħal din tkabbar id-differenzi aktar milli żżid il-koeżjoni bejn intrapriżi ta’ daqsijiet differenti u l-pajjiżi tal-UE. Sistema ta’ evalwazzjoni progressiva mhijiex adatta, sakemm ma titfassalx b’tali mod li tkun adatta għal kumpaniji multinazzjonali kbar iżda wkoll, u b’mod partikolari, għall-SMEs u l-mikrointrapriżi.

4.4

Barra minn hekk, tikketta tkun utli biss jekk tkun magħrufa u rikonoxxuta. L-SMEs u l-mikrointrapriżi li għandhom tikketta għalhekk għandhom ikunu s-suġġett ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni li jenfasizzaw l-impenji tagħhom. Dak li huwa kkunsidrat bħala progress soċjali għandu jiġi diskuss fid-dettall b’referenza għas-sussidjarjetà f’dan il-qasam u anke b’referenza għat-tradizzjonijiet u mudelli differenti tas-sistemi nazzjonali tal-benesseri u tas-sigurtà soċjali. Dan id-djalogu għandu jsir mal-imsieħba soċjali u atturi oħra bħall-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali.

4.5

Fil-qafas tal-isforzi tal-UE biex tiffaċilita t-tnedija u l-ġestjoni ta’ intrapriżi ġew introdotti għadd konsiderevoli ta’ miżuri ta’ semplifikazzjoni u ta’ miżuri biex jiġi promoss it-tkabbir bil-għan li ma jiddgħajfux ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, il-potenzjal ta’ tkabbir tal-intrapriżi u l-kompetittività tagħhom. Għalkemm għad fadal ħafna xi jsir fil-qasam tad-drittijiet, il-KESE jiddubita kemm sistema volontarja ser tkun effettiva biex ittejjeb ir-responsabbiltà soċjali. Barra minn hekk, il-KESE jinnota li, anke jekk tkun bla ħlas, sistema ta’ tikkettar tirrikjedi riżorsi li jistgħu jintużaw aħjar minn intrapriżi li diġà jinsabu taħt pressjoni fi żminijiet ta’ kriżi.

4.6

Bħala parti mill-isforzi ta’ titjib tar-responsabbiltà soċjali jeħtieġ ukoll li jiġi evalwat f’kemm-il settur l-intrapriżi huma responsabbli għad-drittijiet soċjali, pereżempju fir-rigward ta’ kooperazzjoni ma’ fornituri li jinsabu f’pajjiżi terzi. B’nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward ta’ din ir-responsabbiltà ma tista’ tinkiseb l-ebda fiduċja fit-tikketta. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-impatt possibbli fuq il-kummerċ u l-importaturi.

4.7

Ta’ min jistaqsi wkoll dwar il-leġittimità ta’ kwalunkwe tiketta standardizzata. Mill-esperjenza preċedenti jidher li b’mod ġenerali inizjattivi ta’ dan it-tip, minn fuq għal isfel u aktar vinklolanti, ftit li xejn għandhom impatt fuq l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew partijiet interessati oħra, li huwa prerekwiżit biex it-tikketta tkun effettiva. B’rabta ma’ dan, il-Fair Trade (10) huwa eżempju tajjeb ta’ kif is-settur tal-konsumatur stess jieħu l-inizjattiva biex jintroduċi tikketta u għandu jitqies bħala linja gwida. Anke l-eżempji ta’ sistemi ta’ tikkettar li ma ħadmux tajjeb għandhom jiġu analizzati f’aktar dettall (11).

4.8

Huwa importanti li jiġi kkunsidrat kif tista’ titrawwem fiduċja f’tikketta ġdida. Mill-perspettiva tal-konsumaturi, is-sitwazzjoni attwali diġà toħloq konfużjoni: jeżistu bosta sistemi ta’ tikkettar, u ħafna minnhom huma diffiċli biex jinfiehmu u huwa impossibbli li wieħed jibqa’ aġġornat. Jista’ jkun esaġerat li tiżdied sistema ġdida oħra u li wieħed jistenna li l-konsumatur jagħmel deċiżjonijiet infurmati. Minflok tikketta soċjali ġdida, ta’ min tiġi kkunsidrata l-estensjoni tas-sistemi eżistenti ta’ tikkettar li jkopru r-responsabbiltà soċjali (fejn dan għad mhuwiex il-każ). L-istess jgħodd għall-possibbiltà li t-tikketta żżid il-fiduċja tal-investituri. Il-Kummissjoni ser tuża pereżempju inizjattivi fil-qasam tal-investimenti soċjali biex tistabbilixxi linji gwida dwar ir-rappurtar tar-riżultati soċjali ta’ dawn l-attivitajiet; il-KESE enfasizza li dan l-approċċċ huwa essenzjali fir-rigward tal-investiment fl-intrapriżi soċjali (12) u jeħtieġ li jiġi adottat ukoll fil-qafas ta’ din l-inizjattiva.

4.9

Għandha tingħata attenzjoni wkoll lid-diffikultajiet marbuta mal-ħolqien ta’ sistema kumplessa fil-livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti soċjali, tekniċi u prattiċi. Diġà jeżistu diversi sistemi ta’ ċertifikazzjoni għal tipi differenti ta’ tikketti soċjali u l-biċċa kbira tagħhom tejbu l-viżibbiltà u l-importanza tal-kwistjonijiet soċjali fi ħdan l-intrapriżi (13). B’rabta mal-proposta tal-Kumitat għall-Impjiegi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ISO 26000 (14) li jkopri l-maġġoranza tal-kriterji inklużi fil-proposta u li ħafna intrapriżi diġà ġew iċċertfikati skont dan l-istandard. Hemm għadd ta’ standards internazzjonali oħra li diġà huma stabbiliti (15). Għaldaqstant il-proġett pilota għandu jevalwa jekk huwiex utli li tinħoloq sistema ġdida ta’ tikkettar u jekk ikunx aħjar li jkun hemm sensibilizzazzjoni aktar mifruxa dwar is-sistema attwali, li l-intrapriżi jitħeġġu jużawha u li dawn is-sistemi jissaħħu, pereżempju permezz ta’ indikaturi ta’ titjib.

4.10

Bil-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet, tikketta soċjali Ewropea m’għandhiex titbiegħed wisq mill-istandardizzazzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment iżda għandha tinkludi aspett tipikament Ewropew: ir-rispett tad-drittijiet soċjali.

4.11

Ħafna mill-kriterji proposti għat-tikketta soċjali huma koperti mid-djalogu soċjali, mill-oqsma ta’ negozjar li fi ħdanu l-imsieħba soċjali jieħdu d-deċiżjonijiet jew mil-leġislazzjonijiet nazzjonali fis-seħħ. Dan ifisser li klassifikazzjoni ta’ dawn il-kriterji mhijiex adatta. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-djalogu soċjali ppromova wkoll il-prattika tajba u żviluppa linji gwida fil-qasam, peress li r-responsabbiltà soċjali korporattiva tikkontribwixxi u tikkompleta d-djalogu soċjali.

4.12

Il-ħolqien ta’ lista ta’ kriterji soċjali li jkunu adatti għat-tipi kollha ta’ intrapriżi, għas-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali huwa kompitu kumpless u ta’ sfida. Bħalissa hemm varjetà kbira ta’ sistemi u tradizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw dawn il-benefiċċji soċjali apparti l-leġislazzjonijiet komunitarji, pereżempju s-sistemi ta’ kura tat-tfal, ta’ leave tal-ġenituri, il-kura tas-saħħa, il-paga minima, eċċ. Għalhekk il-proġett pilota għandu jikkunsidra l-kwistjonijiet relatati mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kriterji proposti sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-vijabbiltà tat-tikketta.

4.13

Sabiex titrawwem fiduċja fit-tikketta ser ikun hemm bżonn sensibilizzazzjoni fost l-intrapriżi, l-investituri u l-konsumaturi kif ukoll sistema effettiva għall-monitoraġġ. Tikketta hija stampa li tagħti informazzjoni mad-daqqa ta’ għajn dwar kemm l-intrapriża tkun irrispettat il-kriterji fil-mument meta tkun ressqet l-applikazzjoni. Mingħajr korp indipendenti responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-iskedar tat-tikketta, mhuwiex possibbli li tinħoloq il-fiduċja mixtieqa jew jinkiseb il-progress soċjali. F’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati r-riskju ta’ abbuż u ta’ irregolaritajiet u l-proċedura tal-esklużjoni tal-intrapriżi. L-iżvilupp ta’ proċedura adatta ta’ monitoraġġ jirrikjedi riżorsi u burokrazija. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu analizzati l-vantaġġi tal-valur miżjud soċjali mistenni meta mqabbla maż-żieda fil-burokrazija u l-kumplessità.

4.14

Il-KESE jistaqsi jekk huwiex raġonevoli li tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ tikkettar li tkopri s-setturi u l-Istati Membri kollha tal-Ewropa. Jeżistu differenzi konsiderevoli bejn l-intrapriżi f’termini tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-miri proposti u ma hemm l-ebda mod kif il-korp ta’ valutazzjoni jitfassal b’tali mod li jkun ġust magħhom kollha. Għalhekk, il-KESE jitlob li tiġi stabbilita taqsima tar-responsabbiltà soċjali korporattiva usa’ fejn it-tikketta tikkonċerna l-attivitajiet u l-proċessi differenti pjuttost milli l-intrapriżi nnifishom.

4.15

Il-KESE jenfasizza li l-grupp immirat tat-tikketta għandu jkun involut fit-tfassil tagħha jekk jiġi implimentat il-proġett pilota f’dan il-qasam. Ikun utli li jsir studju li jikkjarifika xi elementi ewlenin tat-tikketta soċjali bħall-monitoraġġ, il-perjodu ta’ validità, l-irtirar tat-tikketta, l-intervalli tal-valutazzjoni, l-indikaturi ta’ titjib, eċċ. Il-proġett pilota għandu jkollu l-għan ukoll li jiddetermina jekk tikketta soċjali Ewropea hix vijabbli u utli għall-ksib tar-riżultati mixtieqa.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Kumitat tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, 4 ta’ Ottubru 2012.

(2)  Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(3)  VSE (Very Small Entreprises).

(4)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 77.

(5)  COM(2011) 681 final.

(6)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1 u ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44.

(7)  COM(2010) 608 final.

(8)  COM(2011) 682 final.

(9)  http://www.socialenterprisemark.org.uk

(10)  http://www.fairtrade.net

(11)  Pereżempju t-tikketta soċjali Belġjana u t-tikketta soċjali u ekoloġika Franċiża.

(12)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55.

(13)  Pereżempju Global Compact, EMAS, Business Social Compliance Initiative, Global Reporting.

(14)  http://www.iso.org/iso/home/standards/iso26000.htm

(15)  Il-Linji Gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni tripartitika tal-ILO, Global Compact tan-Nazzjonijiet Uniti.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-486 sessjoni plenarja tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2013

14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Att dwar is-Suq Uniku II — Flimkien għal tkabbir ġdid”

COM(2012) 573 final

2013/C 76/05

Relatur: is-Sur SIEKER

Korelaturi: is-Sinjura FEDERSPIEL, is-Sur VOLEŠ

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Att dwar is-Suq Uniku II: Flimkien għal tkabbir ġdid

COM(2012) 573 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’162 vot favur, 24 vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat ifakkar (1) li s-Suq Uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jwassal benefiċċji li jinħassu b’mod dirett għall-partijiet interessati Ewropej u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej. Fil-kriżi ekonomika attwali, Suq Uniku li jaħdem tajjeb u li huwa orjentat lejn il-ġejjieni mhuwiex biss mixtieq iżda saħansitra essenzjali għall-ġejjieni politiku u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

1.2

Fl-isfond tal-kriżi ekonomika li għaddejja bħalissa, u, fost affarijiet oħrajn, l-impatt li kellha d-deregolazzjoni tas-swieq finanzjarji fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, fuq l-ekonomija reali, fuq il-faqar u fuq l-impjiegi fl-UE (2), it-ton ottimist tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzoni tas-Suq Uniku jinħass mhux f’loku. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni tat ftit wisq attenzjoni għall-effetti sekondarji negattivi mhux mistennija tas-Suq Uniku. It-tħabbira prematura ta’ suċċess b’mod dimostrattiv u espliċitu żżejjed tista’ biss twassal għall-frustrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Il-konsegwenza tista’ tkun li s-Suq Uniku jkompli jiddgħajjef aktar minflok ma tingħatalu dinamika ġdida. Il-Kummissjoni għandha tadotta approċċ iktar realistiku billi tikkomunika b’ton bilanċjat tajjeb.

1.3

Il-funzjonament aħjar tas-Suq Uniku permezz tal-linji gwida l-qodma u l-ġodda qed jiġi mhedded miż-żieda enormi ta’ nies qiegħda għal 28 miljun, li b’mod partikolari qed tolqot liż-żgħażagħ fl-UE. Mijiet ta’ eluf ta’ SMEs fallew u 120 miljun ċittadin jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali: dan jirrappreżenta madwar 25 % tal-popolazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, id-domanda u l-konsum fl-UE qed jintlaqtu bil-kbir. Barra mill-azzjonijiet ewlenin, l-UE u l-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-kriżi finanzjarja, ekonomika u baġitarja, u biex jilliberaw il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku.

1.4

Il-KESE jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu malajr iżda mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità, sabiex jiġi żgurat li dawn il-proposti leġislattivi jiġu adottati qabel tmiem il-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa tal-2014. Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ l-applikazzjoni malajr tal-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni dwar il-Gvernanza tas-Suq Uniku biex titjieb l-implimentazzjoni ġenerali tar-regoli tal-UE.

2.   Kummenti ġenerali: “Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna”

2.1

Il-Kummissjoni tat definizzjoni tat-tieni fażi tal-Att dwar is-Suq Uniku bi 12-il azzjoni ewlenija ġdida biex jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku. Il-KESE jilqa’ l-fatt li ġie ikkonsultat qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni u li l-Kummissjoni ħadet uħud mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Att dwar is-Suq Uniku II. Madanakollu, jiddispjaċih li din id-darba ma saret l-ebda konsultazzjoni formali pubblika u li l-konsultazzjoni informali ma kinitx bilanċjata b’mod ġust bejn il-partijiet interessati rilevanti

2.2

Minkejja l-kontribut pożittiv tas-Suq Uniku għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda minn mindu twaqqaf, għadu ma wassalx il-potenzjal sħiħ tiegħu lill-partijiet interessati kollha, kemm jekk inhuma negozji, ħaddiema, konsumaturi u ċittadini, kif ukoll jekk oħrajn. Il-Kummissjoni ssemmi 2,77 miljun impjieg ieħor iżda ma tgħid xejn dwar in-natura prekarja ta’ wħud minn dawn l-impjiegi (3). Nafu li mir-Rebbiegħa tal-2008, meta l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika bdew jinħassu madwar l-Ewropa, intilfu madwar 10 miljun impjieg, u jidher li din ix-xejra negattiva għadha ma spiċċatx (4).

2.3

Għalkemm il-Kummissjoni indikat liema kienu l-prinċipji ta’ gwida wara dawn l-għażliet (aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, il-prezz tan-non-Ewropa, eċċ), is-sens ta’ urġenza dwar uħud mill-għażliet mhux dejjem jasal b’mod ċar fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha. Pereżempju, dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva marbuta mal-portal ta’ EURES waqt li fl-istess ħin attivitajiet fundamentali oħra f’dan il-qasam għadhom pendenti fil-Kunsill.

2.4

Il-KESE jħoss li l-Kummissjoni tat ftit wisq attenzjoni għall-effetti sekondarji negattivi mhux mistennija tas-Suq Uniku. Ir-regolazzjoni tal-UE tas-swieq finanzjarji kienet dgħajfa wisq biex ittemm is-sorveljanza difettuża u biex tipprevjeni tip ta’ intraprenditorija mmirata lejn l-interessi fuq żmien qasir ta’ grupp privileġġjat ta’ azzjonisti. Għandha tingħata aktar attenzjoni għat-titjib tat-tmexxija korporattiva. Iż-żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà għandha tkun l-ogħla prijorità sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ambjent legali li jirrispetta l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati kollha.

2.5

Ta’ min jinnota ċ-ċertezza li biha l-Kummissjoni tistqarr li dawn it-12-il xprun ġdid ser jikkontribwixxu għat-tkabbir, għal aktar impjiegi u għal aktar fiduċja fis-Suq Uniku. Il-KESE jemmen li l-istorja tal-introduzzjoni tas-Suq Uniku turi li wħud mill-miżuri li ttieħdu fil-passat kellhom effett imdaqqas fuq żmien qasir. It-tħabbira prematura ta’ suċċess b’mod dimostrattiv u espliċitu żżejjed tista’ biss twassal għall-frustrazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, speċjalment jekk ma jingħatawx provi serji minn valutazzjoni tal-impatt. Il-konsegwenza tista’ tkun li s-Suq Uniku jkompli jiddgħajjef aktar minflok ma tingħatalu dinamika ġdida (5). Il-Kummissjoni għandha turi approċċ iktar realistiku billi tikkomunika b’ton bilanċjat tajjeb.

2.6

Sfortunatament l-Att dwar is-Suq Uniku I u II ma jenfasizzawx l-importanza li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet. Il-KESE għadu qed jittama bil-ħerqa li fl-aħħar jara l-introduzzjoni ta’ strument ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u kollettiv li jkun disponibbli għall-konsumaturi Ewropej. Għalkemm il-liberalizzazzjoni tas-swieq u ż-żieda tal-kompetizzjoni huma għanijiet ewlenin tal-politika dwar is-Suq Uniku u jaqdu rwol importanti biex jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu b’mod ħieles, il-konsumaturi għandhom bżonn ukoll qafas b’saħħtu ta’ drittijiet li jipproteġuhom fir-rigward tax-xiri ta’ prodotti u servizzi u tal-infurzar effiċjenti ta’ dawn id-drittijiet. Għadd ta’ studji kkonkludew li l-implimentazzjoni ta’ strumenti differenti tal-UE qed issir bil-mod u l-infurzar għadu relattivament dgħajjef, partikolarment f’sitwazzjonijiet transkonfinali, u għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tipproponi bla dewmien miżuri vinkolanti dwar għodod ta’ infurzar ġodda.

2.7

Sfortunatament, waħda biss minn 12-il inizjattiva hija msejħa bħala miżura għall-konsumatur, minkejja l-fatt li għadd ta’ xpruni għandhom impatt importanti fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi Ewropej (6). Nittamaw li dan ma jirriflettix il-mod li bih il-Kummissjoni tħares lejn il-politika tal-konsumatur. Huwa importanti li l-attenzjoni tkun wiesgħa u li l-konsumaturi ma’ jitqisux bħala appendiċi tal-politika tan-negozji iżda jitqiesu bħala atturi indipendenti, bil-ħsieb li jinħoloq Suq Uniku li jgawdi minnu kulħadd (ara r-rapporti Monti u Grech). Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li għad hemm potenzjal li mhux qed jintuża fis-Suq Uniku, kemm wara l-50 proposta kif ukoll it-12-il xprun. Madanakollu, mill-perspettiva tal-konsumaturi, il-Kummissjoni tista’ u għandha titfa’ iktar enfasi biex tagħti prijorità lill-inizjattivi favur il-konsumatur, kif diġà ġie sostnut f’Opinjoni tal-KESE (7).

2.8

Il-KESE huwa sorpriż ukoll bin-nuqqas ta’ referenza għas-sħubija soċjali f’din il-Komunikazzjoni. Ma tistax terġa’ tinkiseb il-fiduċja jekk l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-politiki tal-UE jkun limitat għall-qasam politiku tad-DĠ għall-Impjiegi. Il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali hija meħtieġa wkoll b’rabta mad-diversi attivitajiet fi ħdan id-DĠ għas-Suq.

2.9

Kif il-KESE indika diġà f’Opinjonijiet oħra, kull proposta dwar it-tranżazzjonijiet transkonfinali tal-konsumaturi għandha sseħħ pass pass, billi l-ewwel jinbdew kuntratti ta’ bejgħ kummerċjali transkonfinali bejn in-negozji (B2B) fuq bażi pilota. Sakemm jiġu adottati proposti dwar it-tranżazzjonijiet min-negozji għall-konsumaturi (B2C), m’għandu jkun hemm l-ebda inizjattiva oħra ta’ natura fakultattiva dwar il-kuntratti ta’ bejgħ kummerċjali transkonfinali.

3.   L-ewwel 12-il xprun u l-elementi nieqsa – is-sitwazzjoni attwali

3.1

Il-Kummissjoni diġà ppreżentat 11 mit-12-il proposta leġislattiva għall-azzjonijiet ewlenin, u l-KESE adotta xi Opinjonijiet fuq dawn il-proposti (8). Il-KESE jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu malajr iżda mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità, sabiex jiġi żgurat li dawn il-proposti leġislattivi jiġu adottati qabel tmiem il-mandati tal-Parlament u tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa tal-2014. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-leġislazzjoni adottata b’mod korrett u jinfurzawha sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi, u l-ostakli maħluqin fuq bażi diskriminatorja u mhux ġustifikata għandhom jitneħħew sabiex is-Suq Uniku jkun jista’ jaħdem tajjeb.

3.2

L-irtirar tar-regolament Monti II ma jsolvix il-problemi maħluqa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Trid tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni attwali għax dan qed iżomm lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet soċjali fundamentali ma jitnaqqsux minħabba l-libertajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proposta għal protokoll ta’ proġress soċjali mehmuż mat-Trattati Ewropej. Dan il-protokoll għandu jiċċara r-relazzjoni bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi billi jikkonferma li s-Suq Uniku mhuwiex l-għan fih innifsu, iżda twaqqaf biex jinkiseb progress soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE (effettivament fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Għandu jagħmilha ċara wkoll li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jieħdu l-prijorità fuq id-drittijiet soċjali u l-progress soċjali, u ma jistgħu qatt jiġu interpretati li jagħtu lill-impriżi d-dritt li jevadu jew jevitaw il-liġijiet u l-prattiki soċjali u tal-impjieg jew għar-raġunijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta fuq is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3.3

Il-KESE identifika għadd ta’ miżuri li kienu nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku, u li jħoss li jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini. Il-miżuri li għadhom nieqsa jinkludu r-reviżjoni tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protokoll dwar il-progress soċjali, il-mikronegozji u n-negozji tal-familja, il-miżuri favur l-appoġġ għall-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, id-dejn eċċessiv u t-trasferimenti interbankarji: dan kollu bil-għan li jiġi kkonsolidat it-tħaddim taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA).

4.   It-12-il xprun ġdid

4.1   Trasport

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-miżuri li jtejbu l-interkonnettività fis-Suq Uniku fil-qasam tat-trasport bil-ferroviji, bl-ajru u bil-baħar, iżda jemmen li mhux qed jiġi adottat approċċ olistiku minħabba li l-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix azzjonijiet dwar is-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija, it-trasport bit-triq (li jifforma l-akbar proporzjon tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri) u t-trasport multimodali bil-għan li tiġi ottimizzata l-effettività tat-trasport.

4.1.1   Ferrovija

Il-mod li bih il-privatizzazzjoni tat-trasport bil-ferrovija hija definita u difiża ma jirriflettix il-fatt li hemm bżonn li jitqiesu raġunijiet li mhumiex biss dawk ekonomiċi f’reġjuni importanti fl-Ewropa biex it-trasport pubbliku jibqa’ f’wiċċ l-ilma. Is-sempliċi introduzzjoni tal-fattur tal-profittabbiltà jista’ jherri l-funzjoni pubblika tas-sistemi tat-trasport bil-ferrovija. Mhuwiex biżżejjed li s-suċċess jew le tal-privatizzazzjoni jitkejjel biss abbażi tal-iffrankar. Il-kwalità u s-sikurezza tal-persunal u tal-pubbliku għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li titqies.

4.1.2   Ilma

Suq Uniku ġenwin għall-bastimenti jista’ jintlaħaq biss billi jiġi żgurat li dan il-qasam jitqiegħed fl-istess livell ta’ modi ta’ trasport oħra. Dan ifisser li rridu nimxu b’mod deċiż lejn is-semplifikazzjoni amministrattiva - i.e. doganali - tat-trasport bil-baħar fi ħdan l-UE. Il-merkanzija Komunitarja għandha tiġi ttrattata b’mod differenti mill-merkanzija ta’ pajjiżi terzi (partikolarment bl-użu tal-manifest elettroniku) sabiex tinqata’ l-burokrazija u r-responsabbiltà tgħaddi f’idejn it-trasportaturi. Bażikament, il-merkanzija li tkun ġiet spezzjonata malli tidħol fl-UE m’għandhiex bżonn terġa’ tiġi spezzjonata mill-ġdid f’port ta’ destinazzjoni ieħor fi ħdan l-UE.

Minn naħa, dan għandu jgħin biex jinħoloq trasport marittimu mingħajr ostakli fi ħdan l-UE, u min-naħa l-oħra, biex jiġu stabbiliti l-awtostradi tal-baħar tant meħtieġa - rotot ewlenin fl-ibħra bejn portijiet tal-UE differenti mħalltin mal-użu ta’ modi oħra ta’ trasport. Il-KESE bħalissa qed iħejji Opinjoni dwar it-Tkabbir Blu u ser jippreżenta proposti prattiċi fil-bidu tal-2013.

4.1.3   Ajru

Filwaqt li jagħraf l-importanza ta’ miżuri li jindirizzaw il-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew, il-KESE jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri bl-Ajru li tkopri l-kumpens u l-għajnuna għal passiġġieri f’każ li ma jitħallewx jirkbu fuq l-ajruplan, kanċellazzjonijiet jew dewmien twil, għadha ma ġietx ippreżentata. Din il-leġislazzjoni tal-UE teħtieġ tiġi ċċarata u aġġornata rigward il-firxa tal-applikazzjoni tagħha u l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali. Il-KESE jsejjaħ ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġislattiva li titlob lil-linji tal-ajru jiggarantixxu l-protezzjoni tal-passiġġieri kollha f’każ ta’ insolvenza ta’ linja tal-ajru u biex taġixxi kontra t-tkattir ta’ termini inġusti ta’ kuntratti, in-nuqqas ta’ trasparenza fl-ipprezzar tal-biljetti u d-diffikultajiet li l-konsumaturi jħabbtu wiċċhom magħhom biex ifittxu rimedju, billi tobbliga lill-kumpaniji tal-ajru biex iżommu mas-sistemi tal-ADR u anke mad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-ivvjaġġar bl-ajru.

4.2   Enerġija

F’ħafna Stati Membri, għad m’hemmx għażla bejn fornituri tal-enerġija differenti billi għad hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni. Il-prezz aċċessibbli tas-servizzi, il-mod kif jiġu ttrattati l-ilmenti dwar il-kwalità, it-tqabbil tal-offerti u l-prezzijiet, it-tibdil tal-fornitur b’mod sempliċi u t-trasparenza tat-tariffi u t-termini tal-kuntratti għad iridu jintlaħqu madwar l-Ewropa kollha. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissorveljaw mill-qrib is-swieq nazzjonali tal-enerġija għall-individwi, u fejn meħtieġ, jaġixxu malajr, biex jiżguraw li t-tielet pakkett tal-enerġija jiġi implimentat b’mod effikaċi għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Huwa importanti li l-Istati Membri jittrasponu d-dispożizzjonijiet rilevanti li fih it-tielet pakkett b’mod li dawn jgħinu liċ-ċittadini vulnerabbli u jipprevjenu l-faqar enerġetiku fil-pajjiżi tagħhom. L-involviment tal-konsumatur huwa prerekwiżit neċessarju għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-meters intelliġenti, li jistgħu jipprovdu l-potenzjal ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, għad hemm ħafna punti mhux riżolti bħal jekk il-benefiċċji potenzjali humiex iżjed mill-ispejjeż għall-konsumatur, kif ukoll kwistjonijiet marbuta mal-ħarsien tad-data. Dawn il-problemi għandhom jiġu solvuti kemm jista’ jkun malajr fl-interess ta’ dawk kollha li jużaw l-enerġija.

4.3   Il-mobbiltà taċ-ċittadini

Il-Kummissjoni tagħti appoġġ qawwi lill-mobbiltà. Madanakollu, il-mobbiltà mhijiex għan fiha nfisha. Mhijiex xi ħaġa faċli li wieħed jitlaq minn art twelidu, u t-tqabbil mal-Istati Uniti mhux dejjem jista’ jsir. Ħaddiema u dawk li jaħdmu għal rashom li jmorru f’pajjiż ieħor sikwit iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom, sigħat ta’ xogħol twal, kundizzjonijiet ta’ xogħol ħżiena, diskriminazzjoni, trattament inġust u ostakli tal-lingwa. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni tat-trattament ugwali għandhom ikunu parti attiva mill-politika Ewropea għas-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, il-KESE jikkundanna l-fatt li wara iktar minn 20 sena ma sar ebda progress dwar il-kwistjoni importanti tar-rikonoxximent tal-kwalifiki vokazzjonali (9). Il-mobbiltà ta’ min qed jitħarreġ, tal-apprendisti u tal-intraprendituri żgħażagħ għandha tiġi promossa fl-Ewropa.

4.4   L-aċċess għall-finanzi

Il-miżuri proposti biex jiffaċilitaw l-aċċess għal fondi ta’ investimenti għal tul ta’ żmien huwa pass pożittiv. Madanakollu dan mhux ser isolvi l-problemi li l-SMEs jiffaċċjaw minħabba nuqqas ta’ kapital operattiv. Bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE, l-SMEs m’għandhomx ibatu minn diskriminazzjoni f’termini ta’ aċċess għall-finanzi b’riżultat tar-regoli ħarxa fuq ir-riżervi tal-banek (10). Il-Kumitat jirreferi għall-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament (11). Hawnhekk il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu għodod rotanti biex jipprovdu tali krediti li permezz tagħhom l-SMEs ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzi faċilment mingħajr kollaterali żejda (12). Il-garanziji għal dawn il-krediti għandhom jiġu pprovduti minn riżorsi nazzjonali jew Ewropej. L-Istati Membri wkoll għandhom jikkunsidraw possibbiltajiet oħra bħal perjodu ta’ eżenzjoni fiskali għal xi snin għal investituri privati u tal-familja f’SMEs li jkunu għadhom kemm fetħu u li qed jespandu, kif ukoll inċentivi oħra. Dawn il-miżuri għandhom jikkomplementaw il-proposta għall-moviment ħieles bejn il-fruntieri ta’ kapital ta’ riskju Ewropew li jkun dirett lejn kumpaniji innovattivi, kif propost fl-Att dwar is-Suq Uniku, iżda dan ma jsolvix in-nuqqas ta’ finanzjament għal SMEs oħra.

4.5   L-ambjent tan-negozju

Il-proposta għall-modernizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar l-insolvenza huwa pass fid-direzzjoni t-tajba biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali, speċjalment meta jkollha l-għan li tagħti ċans ieħor lill-intraprendituri. Għad hemm ħafna burokrazija li l-SME, u speċjalment il-mikrointrapriżi, mhux kapaċi jlaħħqu magħha. Nitolbu lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-piż amminstrattiv u tidenfika l-miri kwantitattivi u kwalitattivi. F’dan ir-rigward, il-valutazzjoni tal-impatt għandha tittejjeb kontinwament. S’issa, il-valutazzjoni tal-piżijiet amministrattivi ffukat wisq fuq ir-regolamenti nfushom, u din kienet parti mir-raġuni li wasslet biex din tkun wisq “teknokratika”. Ir-regolamentazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tkun motivata mix-xewqa li tinżamm il-kwalità tas-servizz provdut, u għalhekk tkun fl-interess tal-benessri pubbliku u għaldaqstant ma tkunx ostaklu (13).

4.6   Is-servizzi

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Att dwar is-Suq Uniku II jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas (PSD) u jenfasizza li l-iżvilupp ta’ suq ta’ ħlasijiet Ewropej kompetittiv u li jaħdem sew li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-intrapriżi kollha għandu jkun l-għan ewlieni tar-reviżjoni. Huwa partikolarment importanti li s-servizzi ta’ ħlasijiet ikunu aċċessibbli għall-konsumatur, iżda wkoll li jiġi żgurat li dawn is-servizzi jiġu pprovduti b’mod sikur, effiċjenti u rħis. Ir-reviżjoni għandha tipprojbixxi l-prattika li jiġu imposti ħlasijiet addizzjonali fuq il-konsumaturi għall-użu ta’ metodi ta’ ħlas madwar l-UE. L-utenti tad-debitu dirett għandhom jingħataw id-drittijiet ta’ rifużjoni mingħajr kundizzjonijiet għal tranżazzjonijiet awtorizzati jew mhux awtorizzati. Il-konsumaturi għandu jkollhom protezzjoni qawwija jkun xi jkun il-metodu ta’ ħlas li jużaw, b’kunsiderazzjoni tar-regoli b’saħħithom ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li jeżistu f’xi Stati Membri. Il-ħafna benefiċċji għall-partijiet interessati kollha kkonċernati, kif ukoll il-ħtieġa għal nefqa raġonevoli min-naħa tl-SMEs li joffru dawn il-metodi ta’ ħlas lill-klijenti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati f’dan il-kuntest. Il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta leġislattiva dwar tariffi ta’ interskambju multilaterali għall-ħlasijiet bil-kards.

4.7   Suq Uniku diġitali

Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tnaqqas l-ispejjeż u żżid l-effiċjenza tal-użu ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni b’veloċità għolja billi tadotta regoli komuni. Il-KESE jappoġġja l-proposta li titjieb il-konnessjoni tal-internet broadband b’veloċità għolja bħala kundizzjoni teknika għall-espansjoni tal-kummerċ elettroniku. Huwa importanti li jiġi adottat mudell konsistenti għall-metodoloġiji dwar l-ispejjeż użati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali madwar l-UE biex jiġi żgurat li l-ispejjeż ikunu ġusti u kkalkulati fuq l-istess standards. Swieq tat-telekomunikazzjoni regolati sew għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom għażla. Jekk ma jinkisibx aċċess b’kundizzjonijiet ġusti mill-operaturi ġodda għan-netwerks tal-ġenerazzjoni l-ġdida, il-kwalità tal-għażliet tas-servizzi għall-bejgħ għall-konsumaturi tkun mgħawwġa jew limitata. Il-kompetituri kollha għandu jkollhom aċċess għall-infrastruttura b’kundizzjonijiet ugwali u għandu jkun żgurat l-aċċess għan-netwerks għall-operaturi ġodda u dawk li diġà joperaw bi prezzijiet raġonevoli (jiġifieri bbażati fuq l-ispiża).

4.8   Il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku

L-intrapriżi ilhom jitolbu għall-użu mifrux tal-fatturazzjoni elettronika, inkluż f’attivitajiet bejn il-fruntieri. Għalhekk nappoġġjaw bis-sħiħ il-proposta biex din issir regola ġenerali għall-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Madanakollu, il-forma elettronika għandha tkun applikata wkoll għat-tressiq tal-offerti billi l-fatt li din ftit li xejn tintuża hija waħda mir-raġunijiet għaliex għadd żgħir biss ta’ SMEs minn Stati Membri oħra jinvolvu ruħhom fl-akkwist pubbliku fi Stati Membri oħra (ara wkoll il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013).

4.9   Il-konsumaturi

4.9.1

Fis-suq tal-UE għadhom jeżistu prodotti mhux sikuri għall-konsumaturi, inklużi prodotti bil-marka CE, u dawn huma ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza li jista’ jiġi evitat. Għalhekk, il-KESE jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi “pakkett leġislattiv dwar is-sigurtà tal-prodotti” li jikkonsisti fi strument ta’ sorveljanza għas-Suq Uniku għall-prodotti kollha li mhumiex ikel, proposta għal Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti (GPSD) u pjan multiannwali għal qafas ta’ sorveljanza tas-suq. Ir-reviżjoni għandha tagħti stampa iktar ċara ta’ kif id-diversi leġislazzjonijiet tal-UE li jittrattaw is-sikurezza tal-prodotti jinteraġixxu flimkien. B’mod partikolari, jeħtieġ li jkunu msaħħa u ċċarati r-responsabilitajiet tal-produtturi. Għandu jkun żgurat li l-livell ta’ infurzar ikun l-istess mal-UE kollha u li l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq ikunu effettivi madwar l-UE.

4.9.2

Għandhom jiġu indirizzati b’mod espliċitu l-prodotti li jogħġbu lit-tfal u għandha tinżamm il-projbizzjoni tal-prodotti li jimitaw l-ikel. Il-politika tal-UE għandha tikkostitwixxi pass prinċipali ’l quddiem għas-saħħa u s-sikurezza. Għandha tingħata attenzjoni għall-kompetizzjoni mhux ġusta li jiffaċċjaw in-negozji tal-UE li jkollhom jobdu r-regoli tal-UE. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti għandha tevita b’mod effettiv li prodotti perikolużi jidħlu fis-suq, u dan jitlob sistema ta’ soreveljanza Ewropea tas-swieq, inklużi kontrolli effettivi fuq il-fruntieri esterni tal-UE.

4.10   Il-koeżjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali

4.10.1

Il-proposti ppreżentati hawnhekk tpoġġew taħt dan it-titlu b’mod pjuttost artifiċjali. Il-KESE jagħraf l-importanza, f’dan iż-żmien ta’ kriżi, li jiffoka fuq il-ġlieda kontra iktar esklużjoni soċjali u faqar. Dwar dan, l-intrapriża soċjali ġiet enfasizzata bħala fattur ewlieni fl-istrateġija biex tingħeleb il-kriżi. In-nuqqas ta’ azzjonijiet prinċipali ddedikati għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali hija ta’ diżappunt. L-azzjoni prinċipali numru 12 issuġġerita ma jirnexxilhiex tindirizza l-esklużjoni soċjali u l-faqar dejjem jikbru fl-Ewropa. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda azzjoni prinċipali ċara u ddedikata għall-intrapriża soċjali bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet proattivi tal-KESE li l-Kumitat jemmen li ser jindirizzaw aħjar il-ħtieġa għal iktar koeżjoni soċjali (14).

4.10.2

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta biex iċ-ċittadini kollha tal-UE jingħataw aċċess għal kont ta’ ħlas bażiku, biex jiġi żgurat li t-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet ikunu trasparenti u jistgħu jitqabblu, u biex isir eħfef li wieħed jibdel minn kont għall-ħlasijiet għal ieħor. Il-KESE jittama li din id-darba l-Kummissjoni ser tressaq leġislazzjoni vinkolanti minflok ir-rakkomandazzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra li kienet ikkritikata ħafna minħabba n-natura volontarja tagħha. Il-KESE jinnota li t-trasparenza u l-kompatibbiltà tat-tariffi tal-kontijiet għall-ħlasijiet għall-konsumaturi jew urew nuqqasijiet kbar jew fallew totalment. Il-leġislazzjoni tal-UE proposta għandha tiżgura li kull konsumatur ikollu d-dritt għall-aċċess għal kont għall-ħlasijiet bażiku u għandha tneħħi kull ostaklu biex persuna tibdel minn kont għall-ħlasijiet għal kont ieħor.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(2)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-03122012-AP/EN/3-03122012-AP-EN.PDF

(3)  FLASH-IT, Policy Research Alert 5 – Impjiegi, Ottubru 2012.

(4)  Stqarrija għall-Istampa mill-Eurostat, 31 ta’ Ottubru 2012.

(5)  Monti 2010 “Dan jispiċċa jherri l-bażi tal-integrazzjoni ekonomika u tat-tkabbir u l-impjiegi madwar l-UE kollha kemm hi, fi żmien fejn qed ifeġġu potenzi globali ġodda u sfidi ambjentali gravi li qed jitolbu aktar minn qatt qabel li l-UE tkun magħquda, fl-interess taċ-ċittadini Ewropej u kif ukoll ta’ governanza globali effettiva.”

(6)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar “l-Att dwar is-Suq Uniku: Il-Passi li Jmiss għal Tkabbir”

(7)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 165.

(8)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(9)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 103.

(10)  Ara CRD IV.

(11)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 45.

(12)  Għall-karta Szechenyi fl-Ungerija ara: http://www.google.com/url?sa=t&rct=j&q=&esrc=s&source=web&cd=1&ved=0CC8QFjAA&url=http%3A%2F%2Fwww.iapmei.pt%2Fconferencia%2F1_Laslo_Krisan.ppt&ei=DM29UKvHJNGRhQehsoGwDA&usg=AFQjCNHWIFTTA7fbjHyT1ShycR1qL7tKRQ

(13)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 318, 29.10.2011, p. 109, punt 3.2.

(14)  Dan il-qasam ġie enfasizzat ukoll fl-Opinjoni tal-KESE ĠU C 299, 4.10.2012, p. 165.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 3.2 (Emenda 5)

“3.2

L-irtirar tar-regolament Monti II ma jsolvix il-problemi maħluqa mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Trid tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni attwali għax dan qed iżomm lill-ħaddiema milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-drittijiet soċjali fundamentali ma jitnaqqsux minħabba l-libertajiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proposta għal protokoll ta’ proġress soċjali mehmuż mat-Trattati Ewropej. Dan il-protokoll għandu jiċċara r-relazzjoni bejn id-drittijiet soċjali fundamentali u l-libertajiet ekonomiċi billi jikkonferma li s-Suq Uniku mhuwiex l-għan fih innifsu, iżda twaqqaf biex jinkiseb progress soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-UE (effettivament fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Għandu jagħmilha ċara wkoll li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni ma jistgħux jieħdu l-prijorità fuq id-drittijiet soċjali u l-progress soċjali, u ma jistgħu qatt jiġu interpretati li jagħtu lill-impriżi d-dritt li jevadu jew jevitaw il-liġijiet u l-prattiki soċjali u tal-impjieg jew għar-raġunijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta fuq is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni introduċiet żewġ proposti leġislattivi mmirati lejn it-titjib u r-rinfurzar tat-traspożizzjoni,l-implimentazzjoni u l-infurzar fil-prattika tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema. L-ewwel proposta dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/EC għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom, billi ttejjeb l-informazzjoni, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-kontrolli. Din għadha qed tiġi diskussa. It-tieni proposta, dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi (Monti II,) ġiet irtirata.

Rigward il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-valuri tad-drittijiet soċjali fundamentali vis-à-vis il-libertajiet ekonomiċi, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-liġi primarja b’mod partikolari għandha tiżgura dan l-approċċ. Il-KESE jinnota li t-tielet premessa tal-preambolu, u speċifikament l-Artikolu 151 tat-TFUE, huma intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol “sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla it-titjib”. Huwa jitlob b’mod ċar li “Protokoll tal-Progress Soċjali” jiddaħħal fit-Trattati sabiex il-prinċipju tal-ugwaljanza jiġi mnaqqax mad-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi. B’hekk jiġi ċċarat li la l-libertà ekonomika u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni m’għandu jkollhom prijorità fuq id-drittijiet soċjali, kif ukoll jiġi definit b’mod ċar l-impatt tal-għan tal-Unjoni li jinkiseb il-progress soċjali  (1).”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

77

Kontra

:

114

Astensjonijiet

:

11


(1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 74.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir”

COM(2012) 392 final

2013/C 76/06

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar is-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbbir

COM(2012) 392 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) jirrappreżenta għan prijoritarju għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tal-UE, kif ukoll l-eċċellenza xjentifika u l-koeżjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-soċjetajiet. Il-politika tal-finanzjament prevista fil-programm Orizzont 2020 għandha tkun il-livell kruċjali li jagħmel possibbli li jintlaħaq dan l-għan.

1.2

Il-KESE esprima fl-opinjonijiet numerużi tiegħu (1) l-viżjoni tiegħu taż-ŻER u diġà beda dibattitu u analiżi bir-reqqa mal-Kummissjoni, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar is-suġġett, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-tkabbir huwa wieħed mill-għanijiet prijoritarji taż-ŻER. Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali gravi li għaddejja bħalissa, din l-indikazzjoni hija kruċjali għas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea.

1.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-moviment liberu tar-riċerkaturi, tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija għandhom isiru l-“ħames libertà” tas-suq intern.

1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li t-twettiq taż-żona unifikata tar-riċerka huwa proċess li qed jinbidel kontinwament u li l-iskadenza tal-2014 hija ambizzjuża wisq, anke meta wieħed iqis li f’ħafna pajjiżi Ewropej qegħdin jiġu implimentati miżuri ta’ awsterità li jnaqqsu l-investimenti nazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li ż-ŻER tinkiseb permezz ta’ sħubija msaħħa bbażata fuq prattiki tajba pjuttost milli permezz tar-regolamentazzjoni. Madankollu, jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Memoranda ta’ Qbil iffirmati mal-organizzazzjonijiet huma ta’ natura volontarja u mhumiex legalment vinkolanti u huma informali.

1.7

Il-KESE jittama li jkun hemm rieda politika qawwija li tkun tista’ tappoġġja s-sistemi nazzjonali ta’ riċerka effiċjenti u kompetittivi li jkunu jistgħu jitwettqu aħjar permezz ta’ valutazzjoni “bejn il-pari” li għandha tkun ibbażata fuq it-titjib tal-kwalità tat-tim tar-riċerka, tal-istrutturi involuti u tar-riżultati miksuba.

1.8

Il-Kumitat huwa tal-fehma li r-riċerka ffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi għandha tagħti prijorità lil dawk l-oqsma li huma ta’ importanza partikolari għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u li l-fondi pubbliċi għandhom ikomplu jiffinanzjaw proġetti fl-ambitu ta’ kooperazzjoni Ewropea b’saħħitha u kondiviża.

1.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiġu eliminati l-ostakli għall-ħolqien taż-ŻER minħabba n-nuqqas ta’ suq tax-xogħol Ewropew għar-riċerkaturi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, il-mobbiltà tagħhom u s-sistema tas-sigurtà soċjali.

1.10

Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa urġenti li tinbidel is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet u tal-fondi tal-pensjonijiet tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fi proġetti transnazzjonali u li jinħoloq fond Ewropew għall-pensjonijiet supplementari għall-kopertura/kumpens tat-telf li jirriżulta mit-trasferiment minn pajjiż għall-ieħor u minn sistema ta’ sigurtà soċjali għal oħra.

1.11

Il-Kumitat iwissi li l-inizjattivi l-ġodda proposti mill-Kummissjoni ma għandhomx jikkompromettu jew jinnewtralizzaw l-isforzi kollha biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tar-riċerkaturi fi ħdan iż-ŻER.

1.12

Il-KESE jtenni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri l-ħtieġa li jiġu adottati l-inizjattivi kollha għall-eliminazzjoni effettiva tad-diskriminazzjoni, tal-inugwaljanzi u tad- differenzi bejn in-nisa u l-irġiel li għadhom jeżistu s’issa fil-qasam akkademiku, xjentifiku u tar-riċerka. B’mod partikolari, jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li jiġi żgurat li jkun hemm preżenza femminili ta’ mill-inqas 40 % fil-kumitati kollha li huma involuti fir-reklutaġġ, fl-ipproċessar u/jew ir-reviżjoni tal-kriterji għall-valutazzjoni ta’ proġetti, u f’dawk li jistabbilixxu politiki tax-xogħol fiċ-ċentri akkademiċi, tar-riċerka u tax-xjenza.

1.13

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi żviluppat pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-infrastrutturi elettroniċi li jappoġġjaw lix-xjenza elettronika. Jirreferi għall-Opinjoni (2) tiegħu dwar il-Komunikazzjoni (3) dwar l-aċċess, il-konservazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka u tal-għarfien xjentifiku.

1.14

Il-KESE jappoġġja t-talba tal-qasam tar-riċerka u tal-komunità xjentifika Ewropea (4) indirizzata lill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern u lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, li l-Ewropa mhijiex f’pożizzjoni li titlef l-aqwa talent, riċerkaturi u għalliema tagħha, speċjalment dawk żgħażagħ; li l-finanzjamenti Ewropej huma essenzjali biex dawk nazzjonali jkunu aktar effiċjenti u effettivi u biex tittejjeb il-kompetittività internazzjonali u dik fl-Ewropa kollha. B’hekk jitlob li ma titnaqqasx il-partita baġitarja rilevanti fil-baġit Ewropew għall-perjodu 2014-2020.

1.15

Il-KESE huwa tal-fehma li l-mappa mħabbra tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-oqsma ta’ prijorità, il-Forum għat-tixrid u t-trażmissjoni tar-riżultati tal-proġetti xjentifiċi u tar-riċerka, u l-valutazzjoni finali tar-riżultati li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni għandhom jipprevedu l-kontribut sħiħ u effettiv tas-soċjetà ċivili involuta fiż-ŻER.

1.16

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ kulma ntqal hawn fuq, il-KESE jittama li jista’ jitwaqqaf grupp intern fi ħdan il-Kumitat li jsir punt ta’ referenza għall-istituzzjonijiet Ewropej matul il-fażijiet futuri diversi ta’ valutazzjoni, monitoraġġ u teħid tad-deċiżjonijiet involuti fit-twettiq taż-ŻER.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE diġà esprima fl-opinjonijiet numerużi tiegħu l-viżjoni tiegħu taż-ŻER, li għadha valida u rilevanti, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni li tipponta lejn sħubija aktar b’saħħitha li turi l-ħtieġa urġenti li l-UE u l-Istati Membri jżommu u jestendu l-impenji tagħhom. Il-progress fl-Istati Membri ma kienx omoġenju, u f’ċerti każijiet għadu qed jinkiseb wisq bil-mod. L-aspett innovattiv tal-Komunikazzjoni huwa l-fatt li twessa’ l-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri marbutin maż-ŻER (5). Il-KESE huwa tal-fehma li hija meħtieġa kooperazzjoni msaħħa aktar wiesgħa, profonda u effettiva.

2.2

Il-KESE jaqbel mal-fehma espressa mill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni taż-ŻER għandha tappoġġja t-tkabbir ekonomiku, l-eċċellenza xjentifika u l-koeżjoni bejn ir-reġjuni, il-pajjiżi u s-soċjetajiet. Fl-istess ħin għandha titqies u tiġi żviluppata l-interazzjoni meħtieġa bejn ix-xjenza u s-suq, bejn l-innovazzjoni u l-intrapriżi, u bejn forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol u dinja tar-riċerka dejjem aktar interkonnessa.

2.3

Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-kuntest tal-kriżi globali, jeħtieġ li jkun hemm miżuri aktar preċiżi u determinati, kemm biex jingħelbu l-effetti negattivi tal-frammentazzjoni nazzjonali fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politiki tar-riċerka kif ukoll biex jittejbu bl-aħjar mod possibbli l-attivitajiet li għandhom tendenza li jżidu l-effettività ta’ dawn il-politiki. Il-miżuri għandhom iservu wkoll biex iżidu l-kompetizzjoni f’saħħitha u leali u s-sinerġiji transkonfinali bejn is-sistemi ta’ riċerka nazzjonali, u jiffaċilitaw il-karriera tar-riċerkatur, il-mobbiltà u l-moviment liberu tal-għarfien (6).

2.4

Mill-konsultazzjoni pubblika li saret fid-dawl tat-tfassil tal-Komunikazzjoni ħarġu l-aspetti li ġejjin:

għar-riċerkaturi, it-tħassib prinċipali huwa l-fatt li l-karrieri ftit li xejn huma attraenti, il-libertà limitata tal-moviment u n-nuqqas ta’ opportunitajiet għall-iskambju ta’ ideat;

għall-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u/jew iwettqu r-riċerka, iridu jsiru sforzi u koordinazzjoni akbar u aħjar sabiex tintlaħaq l-eċċellenza u jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin attwali fl-Ewropa u fid-dinja. Il-kooperazzjoni transkonfinali u pan-Ewropea u infrastrutturi adegwati għall-aċċess għal bażijiet tad-data, riżultati u pubblikazzjonijiet huma elementi indispensabbli. Is-soċjetà ċivili marbuta mar-riċerka għandha tipparteċipa iżjed fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-ŻER;

għas-settur privat, hemm tħassib ġenerali minħabba n-nuqqas ta’ riċerkaturi bi kwalifiki għolja mħarrġa. Anke l-industrija qed tħeġġeġ b’saħħa li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn, minn naħa, il-qasam tal-edukazzjoni u dak tax-xjenza u, min-naħa l-oħra, il-qasam tan-negozju; l-intrapriżi huma tal-fehma li d-dinja akkademika, is-settur privat u dak tan-negozju ma jikkooperawx bejniethom biżżejjed;

l-Istati Membri u l-pajjiżi msieħba jaqblu li jeħtieġ li jkun hemm azzjonijiet aktar konkreti mmirati lejn it-twettiq taż-ŻER u jippreferu metodu bbażat fuq il-prattiki tajba milli approċċ leġislattiv eventwali.

3.   It-tisħiħ tas-sistemi tar-riċerka nazzjonali sabiex isiru aktar effettivi, miftuħa u kompetittivi

3.1

Il-KESE jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li s-sistemi ta’ riċerka nazzjonali jissaħħu permezz tal-prattiki tajba u jaqbel li l-allokazzjoni tar-riżorsi għandha ssir permezz ta’ sejħiet pubbliċi u miftuħa għal proposti vvalutati minn gruppi ta’ esperti (valutazzjoni bejn il-pari  (7) ) tal-Istat Membru inkwistjoni, ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi. Il-valutazzjoni tal-kwalità tat-timijiet ta’ riċerka, tal-istituzzjonijiet parteċipanti u tar-riżultati miksuba għandhom iservu bħala bażi għad-deċiżjonijiet adottati dwar il-finanzjament istituzzjonali pubbliku. F’ħafna każijiet ir-riċerkaturi, it-timijiet, il-proposti u l-programmi ta’ riċerka għadhom ma jiġux ivvalutati skont standards li jistgħu jiġu mqabbla, għalkemm huma proġetti u riċerka mwettqa u ffinanzjati b’mod simili. Il-KESE jemmen li dan jirrappreżenta telf ta’ valur li mhuwiex aċċettabbli, fi żmien meta bosta Stati Membri qed inaqqsu l-allokazzjonijiet tal-baġit għar-riċerka b’mod sostanzjali.

3.2

Il-KESE huwa konxju mill-fatt li r-riċerka Ewropea hija waħda mill-aqwa fid-dinja. Ir-riċerka fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet xjentifiċi ppermettiet lill-intrapriżi Ewropej li jsiru mexxejja fil-qasam tagħhom u pijunieri fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji, u ppermettiet ukoll li jiksbu pożizzjonijiet minn ta’ quddiem nett. Għaldaqstant, il-KESE jesprimi tħassib dwar il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt, li fiha ssemmi li d-differenzi bejn l-Ewropa, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-ekonomiji l-oħra żviluppati qed isiru dejjem aktar evidenti (8). Dan jidher li jindika li l-Ewropa qed taqa’ lura fil-produzzjoni tal-għarfien, u li l-pajjiżi li huma fuq quddiem nett fl-innovazzjoni fil-livell dinji jissuperaw lill-UE-27 għal ċerti indikaturi. Fid-dawl tal-kriżi globali u l-bidla konsegwenti fil-bilanċ tal-poter, il-KESE huwa tal-fehma li ż-ŻER għandha tikkonsolida d-dominanza tax-xjenza Ewropea. Il-kwalità u l-livelli ta’ eċċellenza tagħha għandhom iservu ta’ vantaġġ kompetittiv meta tkun qed tikkompeti ma’ atturi internazzjonali oħra.

3.3

Fl-2002, l-UE ddeċidiet li l-investimenti tal-Istati Membri kollha fir-R&Ż iridu jilħqu t-3 % tal-PDG Ewropew (9). Il-fallimenti ripetuti biex jintlaħaq dan l-għan u l-posponiment tiegħu sal-2020 iwasslu lill-KESE biex jistaqsi jekk jistax jintlaħaq dan l-għan. Il-KESE jaqbel li waħda mill-prijoritajiet taż-ŻER għandha tkun it-tkabbir, b’mod partikolari fl-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali gravi li għaddejja bħalissa, u jesprimi tħassib serju dwar it-tnaqqis sostanzjali fir-riċerka dovut għall-politika ta’ awsterità.

3.4

Wieħed mill-pilastri taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, li hija marbuta mill-qrib mal-kisba taż-ŻER, huwa l-promozzjoni tal-mobbiltà għat-titjib tat-taħriġ tal-istudenti, tal-professuri u tar-riċerkaturi b’mod effettiv. Dan it-tnaqqis ser jagħmilha diffiċli għal ħafna riċerkaturi li jibbenefikaw miż-ŻER, u li jipparteċipaw fiha bis-sħiħ. Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjonijiet meħuda (10).

3.5

Il-KESE jtenni li jinsab konvint li sistemi ta’ riċerka nazzjonali effiċjenti u kompetittivi jeħtieġu rieda politika qawwija u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress b’mod aktar determinat u malajr biex jaqdu l-impenji tagħhom.

3.6

F’dawn l-aħħar snin ir-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi tidher li abbandunat setturi li huma ta’ importanza strateġika għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej li minflok għandhom jirrappreżentaw oqsma innovattivi ta’ riċerka għaż-ŻER, b’mod partikolari fl-ambitu ta’ kooperazzjoni Ewropea kondiviża.

3.7

Barra minn hekk il-KESE jfakkar li biex isir titjib u/jew strutturar mill-ġdid tal-appoġġ ekonomiku lis-sistemi ta’ riċerka nazzjonali jeħtieġ li tiġi evitata d-dikotomija falza bejn ix-xjenza applikata u x-xjenza bażika, li jidher li jiġu attirati minnha xi Stati Membri li qed iħabirku li jnaqqsu l-baġits tagħhom. Dan jirrappreżenta ostaklu kbir għall-aċċess għal riżorsi u finanzjament.

4.   Il-kooperazzjoni transnazzjonali

4.1

Fl-UE, il-kooperazzjoni fir-riċerka pan-Ewropea ffukat fuq diversi inizjattivi ewlenin (11). Madankollu, huma biss 0,8 % tal-finanzjamenti pubbliċi (12) għar-riċerka u l-iżvilupp li jiġu użati għall-programmi konġunti tal-Istati Membri, inklużi dawk appoġġjati jew kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, avolja hemm evidenza li turi li permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali huwa possibbli li jitjieb il-livell ta’ R&Ż, li jkunu inklużi oqsma ġodda u li jinkiseb appoġġ pubbliku u privat għal proġetti konġunti. Dan jikkonferma l-ħtieġa ta’ firxa wiesgħa ta’ netwerks ta’ għarfien madwar l-Ewropa kollha.

4.2

L-introduzzjoni ta’ programmi ġodda ta’ finanzjament tar-riċerka – bħall-għotjiet finanzjarji tas-sinerġija tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka mnedija fl-2012, li jappoġġjaw gruppi żgħar transkonfinali (u, b’mod ġenerali, interdixxiplinari) ta’ riċerkaturi – tista’ tgħin biex jintwera l-valur miżjud u l-komplementarjetà ta’ ħidma komuni, sakemm dawn il-gruppi jkunu kreattivi fil-ġestjoni u jaqsmu b’mod ġdid l-għarfien komplementari, il-kapaċitajiet u r-riżorsi.

4.3

Għad hemm ostakli u xkiel għall-aċċess tal-barranin għaċ-ċentri tar-riċerka nazzjonali ta’ interess Ewropew, u għall-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropea min-naħa tax-xjentisti li jaħdmu fl-Istati Membri mhux parteċipanti. Fiż-żewġ każijiet, l-aċċess huwa mogħti fuq il-bazi tal-preferenza nazzjonali. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn id-diffikultajiet jimpedixxu t-twettiq sħiħ taż-ŻER.

4.4

Il-KESE jemmen li l-mappa ta’ attivitajiet imħabbra – li tenfasizza l-punti b’saħħithom, dawk dgħajfa u n-nuqqasijiet tal-kooperazzjoni xjentifika transnazzjonali – m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, iżda għandha wkoll tiggarantixxi parteċipazzjoni reali u effettiva tas-soċjetà ċivili marbuta ma’ u/jew interessata fiż-ŻER.

5.   Il-ftuħ tas-suq tax-xogħol għar-riċerkaturi

5.1   Reklutaġġ

Minkejja l-isforzi li saru, għad hemm ostakli għal reklutaġġ miftuħ, trasparenti u bbażat primarjament fuq il-mertu. Il-kriterji ta’ selezzjoni mhux dejjem huma notifikati kif suppost, u ġieli lanqas ma jkunu magħrufa r-regoli dwar l-għażla tal-membri tal-bord tal-valutazzjoni, li ta’ spiss ma jkunux komparabbli fost l-Istati Membri (pereżempju, il-Portal Euraxess). Il-Kummissjoni tinnota li għadd ta’ ħidmiet ta’ riċerka ma ġewx mogħtija fuq il-bażi tal-mertu, għalkemm in-numru eżatt tagħhom mhuwiex magħruf (13). Ir-rakkomandazzjoni dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi, il-Kodiċi tal-Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi u l-Isħubija Ewropea għar-Riċerkaturi (14) wasslet għal xi effetti pożittivi fuq livell nazzjonali u istituzzjonali. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Karta u tal-Kodiċi għadha qed issir bil-mod wisq. Il-KESE jibża’ li n-nuqqas ta’ suq tax-xogħol tar-riċerkaturi li jkun aktar integrat u li joffri garanziji aħjar jista’ jirrappreżenta ostaklu diffiċli li jingħeleb biex iż-ŻER titwettaq sal-2014.

5.2   Kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor, u f’xi każijiet ma jkunux interessanti biżżejjed biex jiġbdu liż-żgħażagħ, biex iżommu lill-professjonisti esperti u biex iħajru lil riċerkaturi barranin. Il-kriterji għall-promozzjoni, il-prospetti tal-karriera u s-sistemi ta’ rimunerazzjoni għadhom ivarjaw wisq minn pajjiż għal ieħor. L-istituzzjonijiet mhux dejjem jirrikonoxxu l-mobbiltà bħala indikatur tal-prestazzjoni akkademika. Fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, diġà hemm żieda sinifikanti fin-numru ta’ riċerkaturi żgħażagħ u/jew esperti li qed ifittxu alternattivi anke barra mill-Ewropa. Il-Kummissjoni ma tistax tinjora dan it-telf ta’ riżorsi umani fis-settur xjentifiku u fir-riċerka, u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tieħu passi urġenti u konkreti biex dan jiġi mrażżan.

5.3   Mobbiltà

Anke l-kundizzjonijiet ta’ portabilità u ta’ aċċess tal-għotjiet u tal-finanzjamenti jikkostitwixxu ostaklu għall-mobbiltà tar-riċerkaturi, li mhux dejjem ikunu jistgħu jżommu l-għotjiet nazzjonali tagħhom (fil-każ ta’ 13-il Stat Membru), u t-timijiet tar-riċerka mhux dejjem ikunu jistgħu jinkludu l-imsieħba barranin tagħhom fil-proġetti nazzjonali ta’ riċerka, filwaqt li f’ħafna pajjiżi (11-il Stat Membru) il-benefiċjarji jridu jkunu istituzzjonijiet nazzjonali. F’erba’ Stati Membri l-boroż ta’ studju mhumiex aċċessibbli għaċ-ċittadini barranin.

5.4   Sigurtà soċjali

Kif diġà għamel fl-Opinjoni tiegħu dwar “Orizzont 2020” (15), il-KESE jfakkar fil-ħtieġa urġenti li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet u tal-fondi tal-pensjonijiet tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fi proġetti transnazzjonali u fl-opportunità li jinħoloq fond Ewropew għall-pensjonijiet supplimentari għall-kopertura/kumpens tat-telf li jirriżulta mit-tranżizzjoni minn pajjiż għal ieħor u minn sistema ta’ sigurtà soċjali għal oħra. Is-sistemi tal-benefiċċji, li ħafna drabi jqisu li huwa ovvju li r-riċerkaturi jaħdmu għall-istess organizzazzjoni matul il-karriera kollha, għandhom tendenza li jinjoraw jew sempliċiment ma jagħtux kas is-snin li wieħed ikun għamel involut fl-attivitajiet ta’ riċerka f’pajjiż ieħor. L-isforzi li saru s’issa mhumiex biżżejjed u ma servewx biex jingħeleb dan l-ostaklu li huwa ta’ ħsara partikolari għar-riċerkaturi żgħażagħ.

6.   Ksib sħiħ tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-proġetti ta’ riċerka

6.1

F’dawn l-aħħar snin kien hemm, prattikament fis-setturi kollha, żieda sinifikanti fin-numru ta’ riċerkaturi nisa, iżda l-għadd ta’ riċerkaturi nisa attivi f’pożizzjonijiet akkademiċi ta’ livell għoli, bħall-kapijiet ta’ riċerka ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet xjentifiċi u l-universitajiet, għadu baxx wisq (16). Dan minkejja l-eżistenza ta’ provi suffiċjenti li juru kif il-gruppi tar-riċerka mħallta jkollhom prestazzjoni aħjar u jibbenefikaw minn esperjenzi usa’, kondiviżjoni tal-għarfien, perspettivi differenti u livell ogħla ta’ intelliġenza soċjali. Il-karriera akkademika tan-nisa tkompli tkun karatterizzata minn segregazzjoni vertikali qawwija u l-hekk imsejjaħ “saqaf tal-ħġieġ” għadu realtà daqs kemm għadha realtà s-segregazzjoni relatata max-xogħol (17).

6.2

Id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha teżisti fl-ambitu akkademiku u fiċ-ċentri tar-riċerka, kif teżisti wkoll f’setturi oħra tal-ekonomija. Għal dan il-fenomenu jikkontribwixxu, fost fatturi oħra, sistemi ta’ deskrizzjoni tax-xogħlijiet teoretikament “newtrali” iżda li jinjoraw id-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa, in-nuqqas ta’ qsim tar-responsabbiltajiet tal-familja u l-persistenza tad-diskriminazzjoni, kemm dik diretta kif ukoll dik mhux diretta (18). Dan ifisser li l-potenzjal xjentifiku tan-nisa huwa stmat inqas u mhux jintuża biżżejjed, li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed u li ma hemm l-ebda bilanc bejn l-irġiel u n-nisa fid-deċiżjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni.

6.3

Mhux l-Istati Membri kollha adottaw politiki nazzjonali biex jippromovu l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fir-riċerka u dan idgħajjef il-kwalità u r-rilevanza ta’ tali riċerka. Parteċipazzjoni aktar ugwali tan-nisa twassal għal żieda fid-diversità fir-riserva tat-talenti, fil-forza tax-xogħol u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għal żieda fil-kwalità tar-riċerka. B’hekk, jiġu evitati spejjeż ekonomiċi u anke żbalji li jittieħdu minħabba n-nuqqas tal-perspettiva tal-ġeneru fir-riċerka. In-nuqqas ta’ titjib fl-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka se jkollu konsegwenzi negattivi għall-għanijiet li tistabbilixxi ż-ŻER f’termini ta’ livelli ta’ eċċellenza. Il-kontribut akbar tan-nisa jikkontribwixxi għal tkabbir soċjoekonomiku Ewropew u għat-titjib tal-eċċellenza, tal-prestazzjonijiet u tar-riżultati tar-riċerka.

6.4

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom u jadottaw inizjattivi aktar effikaċi għall-eliminazzjoni effettiva tad-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa li jeżistu fid-dinja akkademika, fir-riċerka u fix-xjenza. B’mod partikolari, għandhom iwettqu l-wegħda li tiġi żgurata l-preżenza ta’ mill-inqas 40 % ta’ nisa fil-kumitati kollha li huma involuti fl-allokazzjoni tal-kuntratti u fl-iżvilupp u/jew fir-reviżjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni tal-proġetti jew li jistabbilixxu politiki tax-xogħol fiċ-ċentri akkademiċi, xjentifiċi u tar-riċerka. L-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-universitajiet u fiċ-ċentri tar-riċerka huma miżuri oħra li l-KESE jilqa’ b’mod pożittiv, bil-kundizzjoni li n-nisa jipparteċipaw b’mod attiv u bis-sħiħ fil-proċess kollu.

6.5

Il-Kumitat iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tħejjija tar-rakkomandazzjoni li se jkun fiha l-linji gwida għall-bidliet istituzzjonali maħsuba biex jippromovu l-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel fl-universitajiet u fiċ-ċentri tar-riċerka.

7.   L-aqwa titjib possibbli tat-tixrid, l-aċċessibilità u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku anki permezz tal-għodod diġitali

7.1

F’April tal-2008, il-Kummissjoni ppubblikat Rakkomandazzjoni (19) dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali fit-trasferiment tal-għarfien, li kienet tinkludi Kodiċi tal-Prattiki Tajba għall-universitajiet u għal organizzazjonijiet oħra ta’ riċerka pubblika (20). Madankollu, il-kodiċi mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tar-Rakkomandazzjoni.

7.2

L-aċċess għall-informazzjoni xjentifika huwa essenzjali biex tirnexxi l-promozzjon tar-riċerka u l-innovazzjoni, u anke għall-kompetittività tal-Ewropa. Dan jinkludi l-iskambju ta’ għarfien bej ir-riċerkaturi, bejn is-sħubijiet ta’ riċerka, b’mod partikolari bejn l-oqsma ta’ riċerka u l-kumpaniji, u bejn ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini, u jinkludi l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni (21) u jirreferi għall-Opinjoni (22) speċifika tiegħu f’dan ir-rigward.

7.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll l-intenzjoni li jitfassal pjan direzzjonali għall-iżvilupp tal-infrastrutturi elettroniċi li huma l-bażi tax-xjenza elettronika, permezz tal-aċċess għal strumenti u riżorsi għar-riċerka.

7.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfittex u tisfrutta bis-sħiħ il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea fil-qasam tar-riċerka u tax-xjenza fl-iskambji perjodiċi li jiġu mħabbra fil-kuntest tat-twaqqif ta’ forum tal-Istati Membri li jservi ta’ punt ta’ referenza għat-tixrid u t-trażmissjoni tar-riżultati tal-programmi u tal-proġetti xjentifiċi.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 48 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13; ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 121; ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111; ĠU C 299, 4.10.2012, p. 72; ĠU C 229, 31.7.2012, p. 60; ĠU C 44, 15.2.2013; l-Opinjoni tal-KESE dwar “Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ”; l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni” u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Aċċess għall-informazzjoni xjentifika – investimenti pubbliċi”. (Ara paġna 43, 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Aċċess għall-informazzjoni xjentifika – investimenti pubbliċi”.

(3)  COM(2012) 401 final.

(4)  Ittra miftuħa mit-42 rebbieħ tal-Premju Nobel u l-5 midaljisti tal-premju “Fields Medals”, 23.10.2012 http://erc.europa.eu/

(5)  Fis-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni ffirmat Memoranda ta’ Qbil mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet tar-Riċerka u t-Teknoloġija (EARTO); Nordforsk; il-Lega tal-Universitajiet Ewropej tar-Riċerka (LERU); l-Assoċjazzjoni Universitarja Ewropea (EUA) u Xjenza Ewropa.

(6)  COM(2010) 546 final.

(7)  Il-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-“Voluntary Guidelines on Framework Conditions for Joint Programming in Research”, ERAC – GPC, 2010 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Ir-rapport “Innovation Union Scoreboard 2011” tal-UE juri li l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel għandhom produzzjoni ogħla minn dik tas-27 pajjiż tal-Ewropa. L-ispazju okkupat mill-ekonomiji emerġenti bħall-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja qed jikber, u l-piż tagħhom fir-R&Ż qed jikseb rilevanza akbar.

(9)  Fl-2008 l-investimenti kienu 1,92 % tal-PDG Ewropew filwaqt li fl-Istati Uniti kienu 2,79 % (EUROSTAT, 2008).

(10)  Patrizio Fiorilli, kelliem għall-Baġit tal-Kummissjoni, f’Ottubru tal-2012 iddikjara li ser jitnaqqsu l-approprazzjonijiet mill-Baġit Komunitarju u dak tal-Istati Membri.

(11)  Pereżempju, il-Programmi Qafas, l-Aġenżija Spazjali Ewropea, il-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekulari u l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari.

(12)  Il-GBAORD huwa l-kriterju li jkejjel l-istanzjamenti tal-baġit, l-investimenti pubbliċi u l-miżuri ta’ appoġġ li l-gvernijiet nazzjonali jagħtu favur ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

(13)  Hemm bejn wieħed u ieħor 40 000 post battal ta’ riċerkatur kull sena, li minnhom 9 600 huma biex issir professur universitarju (Technopolis, 2010).

(14)  Sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta u tal-Kodiċi, fl-2008 il-KE nieda “Strateġija tar-riżorsi umani għall-integrazzjoni tal-Karta u tal-Kodiċi tar-riċerkaturi” u fl-2009 stabbilixxa l-“Grupp ta’ strateġija istituzzjonali għar-riżorsi umani” sabiex jipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-partijiet interessati fl-Ewropa kollha.

(15)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111

(16)  In-nisa jirrappreżentaw il-45 % tad-dottorati, iżda 30 % biss tar-riċerkaturi attivi, ċifra li taqa’ għal 19 % għall-pożizzjonijiet ogħla fid-dinja akkademika. Bħala medja, 13 % biss tal-istituzzjonijiet xjentifiċi jew ta’ riċerka, u 9 % biss tal-universitajiet huma mmexxija min-nisa. Data Preliminari She Figures 2012, “Gender in Research and Innovation: statistics and innovation”, tal-Grupp ta’ Ħelsinki tan-Nisa u x-Xjenza – Il-Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu

(17)  Il-perċentwal ta’ studenti universitarji (55 %) u gradwati (59 %) huwa ogħla minn dak tal-irġiel, iżda dawn tal-aħħar jinsabu f’numri akbar fil-livelli superjuri. In-nisa jirrappreżentaw biss 44 % tal-persunal akkademiku ta’ grad iktar baxx, 36 % tal-impjegati fissi u 18 % tal-professuri ordinarji.

(18)  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Marzu tal-2012 tenfasizza li d-differenza bejn il-pagi għadha kbira. Bħala medja, in-nisa fl-UE jaqilgħu 17,5 % inqas mill-irġiel filwaqt li jirrappreżentaw 60 % tal-gradwati ġodda.

(19)  C(2008)1329.

(20)  L-għan ta’ dan id-dokument kien li jipprovdi lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sett ta’ prattiki u politiki biex jiġi stimolat it-trasferiment tal-għarfien, li madankollu għadu mhuwiex suffiċjenti. Barra minn hekk, in-numru ta’ impjegati (pereżempju, fid-dipartimenti tal-universitajiet speċjalizzati fit-tixrid u t-trasferiment tal-għarfien) b’esperjenza fil-qasam industrijali huwa sostanzjalment aktar baxx fl-Ewropa milli hu f’partijiet oħra tad-dinja, u 5-6 % biss tar-riċerkaturi tal-UE mxew mis-settur pubbliku għal dak privat, u viċi versa.

(21)  (COM) 401 final.

(22)  Opinjoni tal-KESE dwar “Aċċess għall-informazzjoni xjentifika – investimenti pubbliċi”.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Politika tal-industrija tas-sigurtà — Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva”

COM(2012) 417 final

2013/C 76/07

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar is-26 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Politika tal-Industrija tas-Sigurtà – Pjan ta’ azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva

COM(2012) 417 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-8 ta’ …

Matul il-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’128 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li hemm bżonn politika Ewropea integrata għas-settur industrijali tas-sigurtà, abbażi ta’ approċċ koordinat għall-isfidi tas-settur, strateġija komuni u viżjoni kondiviża tal-iżvilupp kompetittiv tiegħu, f’suq unifikat Ewropew.

1.2

Biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għat-għat-tiġdid tal-kompetittività tal-industrija tas-settur (fis-sens tal-industrija tas-sigurtà tradizzjonali, l-industrija tad-difiżi għas-sigurtà, kif ukoll setturi ġodda, jiġifieri prinċipalment kumpaniji li jestendu t-teknoloġiji ċivili eżistenti tagħhom għal applikazzjonijiet ta’ sigurtà u fornituri ta’ servizzi ta’ sigurtà) b’qafas ta’ impjieg u ta’ utenti kbir u promettenti, il-KESE jemmen li hemm bżonn l-iżvilupp ta’:

dimensjoni interna ta’ interoperabbiltà sħiħa tas-suq uniku, b’qafas regolamentari, tekniku u regolatorju u proċedurali, li jsostni livell adegwat ta’ riżorsi ddedikati, strateġija unika ta’ żvilupp, investimenti qawwija fir-riċerka u l-innovazzjoni;

azzjonijiet ta’ prijorità skont it-tip tal-prodott u tas-servizz, minħabba l-kapaċità ta’ risposta għal regolamentazzjoni u proċeduri armonizzati;

dimensjoni ta’ aċċess affidabbli għas-swieq internazzjonali, bi protezzjoni internazzjonali aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (IPR), il-liberalizzazzjoni tas-suq, kemm dak kummerċjali kif ukoll dak ta’ akkwist pubbliku, u strateġija integrata ta’ politka industrijali;

aċċess ugwali għal rotot marittimi għall-produtturi kollha Ewropej biex jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-swieq internazzjonali;

azzjoni integrata u komuni fid-diversi setturi tas-sigurtà u tal-protezzjoni ċivili;

dimensjoni soċjali u etika tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi tas-sigurtà, sa mill-bidu tagħhom, biex tkun garantita l-approvazzjoni soċjali, bi protezzjoni sħiħa tal-privatezza taċ-ċittadini;

dimensjoni ta’ taħriġ u professjonali tar-riżorsi umani, dedikata għall-ħolqien, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-operat tat-teknoloġiji ta’ sigurtà, li jridu jkunu ffukati fuq ir-rispett tad-dinjità u tal-libertà tal-bniedem u fuq id-dritt tas-salvagwardja tad-dinjità tiegħu.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-inizjattivi tal-pjan ta’ azzjoni iżda b’qafas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni iktar b’saħħtu, iffukat fuq it-tip tal-prodott, fuq il-bażi ta’ statistika adegwata u dettaljata, mill-perspettiva tal-produttività, l-impjieg u d-dimensjoni tal-intrapriżi fis-settur, fost affarijiet oħra.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda l-koordinazzjoni, il-konverġenza tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u l-garanzija tal-interoperabbiltà

1.5

Il-KESE jsostni bis-sħiħ it-tisħiħ tal-possibbiltà li jkunu rregolati u previsti sitwazzjonijiet kompetittivi ġodda u possibilitajiet ta’ aċċess u riżorsi finanzjarji istituzzjonali, ukoll permezz ta’ attivitajiet parteċipattivi ta’ previżjoni fuq livell Ewropew.

1.6

Ir-rabta tad-dimensjoni soċjali u etika għandha tkun trasparenti u garantita f’kull fażi, mill-bidu sal-istandardizzazzjoni u sal-applikazzjoni teknoloġika fuq il-post. Leġislazzjoni u teknoloġiji ġodda għandhom jintegraw sa mill-bidu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin, speċjalment dawk marbuta mal-privatezza u mal-protezzjoni tad-data personali.

1.7

Hemm bżonn sforz fil-livell Komunitarju, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali, biex ikunu żgurati taħriġ u qafas għar-riżorsi umani, li jkunu kapaċi jagħtu servizzi professjonali ta’ kwalità, li jirrispettaw lill-individwu, li huma adattati għall-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji avvanzati f’sistema ta’ interoperabblità sħiħa.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-industrija tas-sigurtà hija settur strateġiku b’applikazzjonijiet ċivili u militari qrib ta’ xulxin u marbuta ma’ xulxin, u tirrappreżenta punt ta’ kuntatt ideali bejn ir-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni teknoloġika u l-applikazzjonijiet avvanzati.

2.2

Din l-industrija hija minnha nnifisha mmexxija mit-teknoloġija, bi fluss kostanti ta’ teknoloġiji ġodda. Il-prodotti u s-servizzi tas-settur huma diversifikati, joħorgu mill-użu malajr ħafna u għandhom bżonn rendiment tekniku u xjentifiku għoli.

2.3

Is-suq tal-industrija tas-sigurtà fl-UE għandu valur stmat sa EUR 36,5 biljun b’madwar 180 000 impieg fl-UE waqt li, fuq livell dinji, is-settur f’dawn l-aħħar għaxar snin għadda minn EUR 10 biljun għal EUR 100 biljun fl-2011. Dan is-settur jinkludi s-settur tas-sigurtà tal-avjazzjoni, is-settur tas-sigurtà marittima u dak tat-trasport ġenerali, u s-settur tal-fruntieri, tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, l-intelligence kontra t-terroriżmu (inkluża s-sigurtà informatika u tal-komunikazzjoni u d-dimensjoni ċibernetika), is-sigurtà fiżika, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ilbies ta’ protezzjoni.

2.4

Tiżdied ukoll ma’ dawn is-setturi l-industrija spazjali tas-sigurtà, bid-diversi applikazzjonijiet tagħha.

2.5

Fl-Ewropa, is-suq tal-prodotti spazjali għas-sigurtà huwa msejjes fuq gruppi kbar multinazzjonali, li joperaw fuq livell Ewropew, u Stati Membri individwali, fl-ambitu ċivili u kummerċjali b’talba ta’ 40 % fuq livell kummerċjali u 60 % fuq livell istituzzjonali.

2.6

Għalkemm ix-xejriet fis-suq juru tkabbir kontinwu u m’hemmx effett ta’ tnaqqis ekonomiku minħabba l-kriżi internazzjonali, l-industrija tas-sigurtà fl-UE tħabbat wiċċha ma’ suq intern frammentat għall-aħħar u ma’ bażi industrijali mdgħajfa minn oqfsa legali u standards tekniċi u leġislattivi nazzjonali li jvarjaw bejniethom b’mod konsiderevoli, waqt li l-isforzi ta’ riċerka u tal-akkwist pubbliku – minkejja l-interventi tal-UE f’dan il-qasam, bħall-FP7 – għandhom fil-maġġoranza tagħhom fi ħdan l-Istati Membri individwali.

2.7

L-UE għandha d-dmir li tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u tal-intrapriżi tagħha u tas-soċjetà sħiħa f’bosta ambiti, mill-protezzjoni ċivili kontra d-diżastri naturali sal-protezzjoni tal-katina tal-ikel, u mill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu sal-protezzjoni mir-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u splużivi.

2.8

Is-settur industrijali tas-sigurtà huwa kruċjali għall-futur u huwa rappreżentattiv b’mod partikolari tal-isfidi u tal-opportunitajiet li l-Ewropa għandha quddiemha: ħafna intrapriżi Ewropej, permezz tal-livell teknoloġiku tagħhom, huma minn ta’ quddiem fid-dinja f’għadd ta’ oqsma tas-settur, iżda qegħdin f’riskju li jitilfu parti mis-suq meta mqabbla mal-imsieħba kummerċjali prinċipali tagħhom.

2.8.1

Hemm bżonn statistika adegwata, dettaljata u affidabbli dwar, fost l-oħrajn, il-produttività, l-impjieg u d-dimensjoni tal-intrapriżi fis-settur.

2.9

Il-ġestjoni tal-intrapriżi fis-settur tas-sigurtà hija karatterizzata minn livell għoli ta’ kumplessità, minħabba għadd ta’ fatturi.

l-omoġeneità, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tas-swieq,

strateġiji u viżjonijiet; aċċess għal riżorsi finanzjarji,

oqfsa regolatorji, standards tekniċi, proċeduri armonizzati u protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (IPR),

rendiment teknoloġiku u operattiv,

possibbiltà ta’ ġestjoni u previżjoni ta’ sitwazzjonijiet kompetittivi ġodda.

2.10

Biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għat-tnedija għat-tiġdid tal-kompetittività, il-KESE jemmen li hemm bżonn li s-suq intern Ewropew jiżgura:

dimensjoni interna ta’ interoperabbiltà sħiħa tas-suq uniku, bi tnaqqis fil-frammentazzjoni, kemm tas-swieq nazzjonali kif ukoll tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

dimensjoni esterna ta’ aċċess għas-swieq internazzjonali, li ssib rimedju għan-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà internazzjonali (IPR), għar-ristrizzjonijiet għall-aċċess għas-swieq kemm kummerċjali kif ukoll ta’ akkwist pubbliku, u billi timplimenta, anke f’dan is-settur, “strateġija integrata dwar id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali li tkun tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija fis-sistema kummerċjali u jkollha approċċ uniku għall-ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali” (1) iktar aggressiva;

drittijiet indaqs għall-produtturi Ewropej fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ tagħmir militari lejn pajjiżi terzi. M'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fis-suq uniku kontra produtturi fi Stati Membri li m'għandhom aċċess dirett għall-baħar, fil-forma tal-ħtieġa li jiksbu “liċenzji ta’ tranżitu” għat-trasport tal-prodotti tagħhom lejn port fi Stat Membru ieħor;

dimensjoni soċjali u etika tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi tas-sigurtà, sa mill-bidu tagħhom, biex tkun garantita l-approvazzjoni soċjali, bi protezzjoni sħiħa tal-privatezza taċ-ċittadini u tad-drittijiet fundamentali tagħhom, flimkien mal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali.

dimensjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi li ma tindaħalx fil-ħajja privata, iżda li tippermetti metodi ta’ suċċess, kemm fuq il-livell ta’ żvilupp tar-riżorsi umani, kif ukoll fil-projezzjonijiet internazzjonali, li tinkoraġġixxi lill-intrapriżi l-kbar, l-intrapriżi li għadhom jibdew u l-SMEs, permezz ukoll ta’ netwerks ta’ konsorzji u l-valorizzazzjoni tad-distretti, sabiex tintlaħaq massa kritika ta’ kompetittiva adegwata.

2.11

Fuq livell globali, l-iktar kompetitur importanti huwa l-Istati Uniti, pajjiż li jibbenefika minn qafas leġislattiv armonizzat, bi standards komuni u minn talba pubblika federali għolja (2), b’suq intern konsolidat li jirrappreżenta iktar mit-42 % tal-fatturat dinji u b’intrapriżi fuq quddiem nett rigward tagħmir tekniku tas-sigurtà. Il-Ġappun u l-Iżrael għandhom intrapriżi li jinsabu fuq quddiem nett mil-lat ta’ ċertu tagħmir avvanzat speċifiku, speċjalment fl-oqsma tal-informatika u tal-komunikazzjoni, waqt li r-Russja u ċ-Ċina juru livell ta’ żvilupp għoli fl-oqsma tradizzjonali marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà fiżika.

2.12

F’din is-sitwazzjoni globali, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ politika industrijali Ewropea proattiva għas-settur tas-sigurtà, li tirrifletti aħjar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-settur u qafas tekniku u regolatorju u l-IPR u, fuq kollox, tipi ta’ prodotti, servizzi u sistemi li jistgħu jwieġbu għal standards komuni, għal regolamentazzjoni u għal proċeduri armonizzati, bħal:

sistemi ta’ kontroll ta’ aċċess,

hardware u software tal-iskenjar,

sistemi u strumenti ta’ protezzjoni,

sistemi u strumenti ta’ identifikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tar-realtà,

sistemi u strumenti ta’ sorveljanza u traċċabbiltà,

sistemi ta’ allarm,

waqt li għal prodotti “sensittivi”, il-kundizzjonijiet tar-regolamentazzjoni u ta’ aċċess huma soġġetti għal valutazzjoni u ftehimiet, każ b’każ, biex jinżammu l-livelli ta’ kwalità u ta’ sigurtà.

2.13

Il-KESE enfasizza kemm-il darba l-ħtieġa li jkunu żviluppati politiki marbuta mal-qasam tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, elementi li huma essenzjali għall-Aġenda diġitali Ewropea.

2.14

Il-KESE diġà ta l-fehmiet tiegħu dwar l-aspetti kruċjali tas-sigurtà tal-avjazzjoni (3), dik marittima (4) u tat-trasport fuq l-art (5), kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni (6), fejn enfasizza r-rwol tal-Aġenzija Frontex u l-ħtieġa ta’ approċċ globali għas-sigurtà fil-fruntieri u l-ġlieda kontra l-“immigrazjoni klandestina’’.

2.15

Rigward il-monitoraġġ spazjali tal-ambjent u s-sigurtà, il-Kumitat enfasizza l-importanza tas-satelliti Sentinel, il-GMES u s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo (7).

2.16

Diversi riċerki enfasizzaw l-importanza ta’ proġetti li juru teknoloġiji tas-sigurtà fis-settur tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi, nukleari u splużivi (CBRNE).

2.17

Is-Seba’ Pogramm Kwadru (FP7) kien l-ewwel wieħed li ħaseb għal programm ta’ riċerka speċifika fil-qasam tas-sigurtà, b’baġit ta’ EUR 1,4 biljun, li jiffoka biss fuq proġetti ta’ applikazzjoni ċivili u żvilupp ta’ teknoloġiji u għarfien bil-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE (8), filwaqt li jiġu rispettati l-privatezza u d-drittjiet fundamentali tagħhom.

2.18

Skont il-KESE, hemm bżonn li jkun faċilitat l-użu ta’ teknoloġiji ibridi ċivili/militari, billi jiġu żviluppati standards adegwati b’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u hemm bżonn li jiġi appoġġjat, b’iktar saħħa u riżorsi, il-qasam tas-“Sigurtà”, anke fost it-teknoloġiji ablitanti tal-FP l-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni (9), filwaqt li jitħeġġu proġetti dimostrattivi u prototipi pilota.

2.19

Il-Kummissjoni poġġiet lill-industrija tas-sigurtà fost l-elementi essenzjali tal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni”, li fuqha l-Kumitat diġà esprima fehmietu (10).

2.20

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li titnieda strateġija Ewropea waħda ta’ approċċ integrat għas-settur tal-industrija tas-sigurtà, billi s-sigurtà hija waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tas-soċjetà attwali, tirrappreżenta element bażiku għat-tkabbir u l-impieg u titlob sforzi konġunti u viżjonijiet kondiviżi, bejn l-Istati Membri kollha, biex tissaħħaħ il-kompetittività.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni turi l-importanza stateġika tal-industrija tas-sigurtà u tiddenfinixxi l-azzjonijiet prinċipali biex l-industrija Ewropea tas-sigurtà ssir iktar innovattiva u kompetittiva, li permezz tagħhom il-Kummissjoni beħsiebha takkumpanja dan il-proċess.

3.2

Il-pjan ta’ azzjoni propost jidentifika l-linji gwida li ġejjin:

it-tneħħija tal-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE permezz ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni u standards tekniċi armonizzati għat-teknoloġiji tas-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni;

riċerka u innovazzjoni iktar effiċjenti u qrib tal-intrapriżi, permezz ta’ mandati tekniċi u regolatorji bi ftehim mal-EDA għal “standards ibridi” validi għar-riċerka u l-iżvilupp kemm tas-sigurtà kif ukoll tad-difiża u l-użu tar-regoli l-ġodda dwar il-proprjetà intellettwali u tal-akkwist pubbliku prekummerċjali, previsti minn Orizzont 2020 kif ukoll il-finanzjamenti tal-Fond futur għas-Sigurtà Interna għall-ittestjar tal-validazzjoni rapida tat-teknoloġija tas-sigurtà;

l-integrazzjoni tad-dimensjoni soċjali u tal-privatezza;

l-aċċess għas-swieq: regoli ta’ esportazzjoni għall-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi u t-tneħħija tal-ostakli tekniċi, u tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ tikketta Ewropea tas-sigurtà għall-prodotti; studju ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà ċivili, kif prevista fil-US Safety Act (implimentazzjoni: 2012/2013)

3.3

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni toħloq grupp ta’ monitoraġġ bil-għan li jivverifika fiex waslu l-miżuri proposti skont skadenzi preċiżi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jemmen li, għaċ-ċittadini Ewropej, għall-intrapriżi u għall-ħaddiema tal-Unjoni, għas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi u għall-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva u sostenibbli, hemm bżonn, fuq livell tal-UE, ta’ definizzjoni ta’ approċċ integrali u koordinat għall-isfidi tas-sigurtà u tal-iżvilupp tas-settur industrijali Ewropew tas-sigurtà, billi tiġi żviluppata strateġija kumplessiva tal-UE fil-qasam tas-sistemi tas-sigurtà, li tiffoka fuq l-individwu u d-dinjità tiegħu, biex tissodisfa l-bżonnijiet primarji tal-libertà u s-sigurtà.

4.2

Skont il-KESE hemm bżonn li jiġu kkunsidrati iżjed il-valur miżjud tal-intrapriżi li diġà jeżistu, bħall-EDA (difiża), il-Frontex (fruntieri esterni), il-EUROPOL (sigurtà pubblika) l-ENISA (sigurtà informatika), l-AESA (sigurtà tal-avjazzjoni), l-EMSA (sigurtà marittima), l-EFSA (sigurtà fl-ikel), u s-sistemi ta’ twissija bħar-RAPEX (sistema Ewropea ta’ twissija rapida dwar is-sikurezza tal-prodotti), l-ECHA ta’ Ħelsinki (sistema dwar il-prodotti kimiċi/REACH).

4.3

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu sfruttati sew il-pożizzjoni dominanti ta’ għadd ta’ intrapriżi Ewropej fis-settur, billi jiżguraw b’mod proattiv, suq intern Ewropew verament unifikat u fattibbli, mingħajr ostakli ta’ frammentazzjoni u billi jippromovu settur li jirrappreżenta firxa kbira ta’ prodotti u servizzi promettenti mil-lat ta’ impjieg.

4.4

Madanakollu, il-KESE jemmen li jkun utli li nimxu lil hinn mid-definizzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew, biex niffaċċjaw it-tnedija ta’ strateġija komuni Ewropea ġenwina għas-settur tal-industrija tas-sigurtà, b’viżjoni komuni, pjattaforma Ewropea li tlaqqa’ flimkien l-aspetti differenti tas-sigurtà u ta’ governanza li kapaċi tassigura koordinazzjoni unika u effettiva.

4.5

Strateġija ta’ approċċ integrat bħal din tista’ sseħħ fuq pjattaforma virtwali, li tħaddan it-temi etiċi u ta’ governanza, l-aspetti intersettorjali u l-interoperabbiltà.

4.6

Skont il-KESE hemm bżonn innaqqsu d-distakk mil-lat ta’ ftehim li jeżisti bejn min jieħu d-deċiżjonijiet politiċi u l-industrija, ukoll permezz tat-tisħiħ ta’ inizjattivi bħall-“European Security Congress” u permezz ta’ pjattaforma ta’ djalogu permanenti bħas-“Security Policy Forum”.

4.7

Biex negħlbu l-frammentazzjoni tas-suq intern Ewropew, hemm bżonn:

kooperazzjoni u koordinazzjoni orizzontali fil-qasam tas-sigurtà, bejn u fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, biex niżguraw interoperabblità sħiħa tal-prodotti u tal-proċeduri, flimkien ma’ koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli ta’ intervent;

ezerċizzju ta’ previżjoni parteċipattiva, għal definizzjoni ta’ viżjoni komuni kondiviża;

sistema ta’ governanza li tassoċja l-pubbliku mal-privat.

4.8

Skont il-Kumitat, minbarra l-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali sa mill-bidu tal-prodotti, tas-servizzi u tas-sistemi, hemm bżonn li jiġu implimentatimekkaniżmi li jħallu lill-partijiet soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw fil-monitoraġġ tar-rispett tad-dimensjoni soċjali u etika tal-iżvilupp tas-sigurtà u l-applikazzjonijiet tagħha teknoloġiċi u produttivi.

4.8.1

L-attribuzzjoni tal-mandati tekniċi u regolatorji, skont l-EDA, għandha ssir skont il-prinċipji tal-politika l-ġdida ta’ standardizzazzjoni, b’reklamar u trasparenza tal-programm annwali ta’ ħidma, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, permezz tat-tfassil ta’ speċifikazzjonijiet li jintużaw għall-akkwist pubbliku li jirrispettaw il-prinċipji ta’ ftuħ, kunsens, trasparenza, rilevanza, newtralità u kwalità (11).

4.8.2

IL-KESE jaqbel mal-approċċ propost rigward ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifkazzjoni, sakemm isiru livelli komuni ta’ kompetenza tal-entitatijet ta’ ċertifikazzjoni akkreditati, kriterji ta’ għażla iktar stretti u proċeduri ta’ għażla armonizzati, għall-valutazzjoni tal-konformità (12).

4.9

Il-Kumitat jemmen li huma importanti ir-rikonoxximent regolatorju tat-teknoloġiji b’użu doppju biex it-teknoloġiji ibridi jkunu stimolati għal użu konġunt ċivili/militari, iżda jisħaq iktar fuq it-tisħiħ, kemm finanzjarju kif ukoll fil-kontenut, fl-ambitu tal-prijorità “teknoloġijii abilitanti”, previsti f’Orizzont 2020, flimkien ma’ interventi fil-Fond futur għas-Sigurtà Interna.

4.9.1

Fir-rigward tal-proprjetà industrijali u intellettwali, għalkemm l-impostazzjonijiet innovattivi previsti f’Orizzont 2020 huma importanti, hemm bżonn li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-IPR fl-ambitu tad-WTO u tal-ftehimiet Ewropej bilaterali u multilaterali ta’ assoċjazzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-klawżoli ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà u ta’ aċċess għas-swieq pubbliċi barranin.

4.9.2

Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jintużaw bis-sħiħ il-possibilitajiet ġodda offruti mill-istrument tal-akkwist pubbliku prekompetittiv, previst f’Orizzont 2020.

4.10

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali u etika fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-settur industrijali tat-teknoloġija tas-sigurtà.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq skont it-tip tal-prodott. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti prijoritajiet ta’ azzjoni skont is-settur mhux skont it-tip tal-prodott, li jistgħu jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tas-suq uniku, permezz ta’ regolamentazzjoni u proċeduri armonizzati, minħabba l-potenzjal qawwi tagħhom fuq is-suq u l-impatt tagħhom fuq firxa kbira ta’ ċittadini u ħaddiema, b’attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-SMEs, kemm mil-lat tar-riżorsi finanzjarji u tar-riċerka, kif ukoll mil-lat organizzattiv.

5.2

Riċerka u innovazzjoni, IPR u akkwist pubbliku. Il-KESE jitlob tisħiħ tal-fondi Komunitarji dedikati għat-teknoloġiji tas-sigurtà fil-programm Orizzont 2020, flimkien ma’ preżenza soda fl-oqsma tat-“teknoloġiji abilitanti”, it-tisħiħ tal-proġetti komuni ta’ interoperabbiltà dedikati għas-sigurtà fil-Programm ISA (13); l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għas-settur, fil-qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-innovazzjoni, il-verifika tal-applikazzjoni effettiva tad-Direttivi KE/2004/18-KE/2009/81, u tal-istrumenti tal-akkwist pubbliku prekompettittiv għall-industrija tas-sigurtà, iktar kooperazzjoni pubblika/privata u ċivili/militari u l-aġevolazzjoni tal-istrateġiji ta’ fużjoni u raggruppament transnazzjonali tal-intrapriżi; l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-hekk imsejħa “Third party limited liability protection – TPLL”; u regoli interni aħjar fil-qasam tal-IPR.

5.3

Aċċess għas-swieq barranin. Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jissaħħu l-azzjonijiet integrati u komuni tal-politika barranija, fis-setturi industrijali u tas-sigurtà, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-IPR fid-WTO u fi ftehimiet Ewropej ta’ assoċjazzjoni bilaterali u multilaterali, biex tiġi żgurata ugwaljanza fl-aċċess għas-swieq barranin u għall-akkwist pubbliku fuq bażi ta’ reċiproċità, biex jiżdied il-piż tal-azzjoni Ewropea fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u biex titnieda ta’ tikketta ta’ kwalità Euro Security Label.

5.4

Dimensjoni soċjali u etika. Is-sistemi/prodotti/servizzi ta’ sigurtà kollha għandhom jirrispettaw il-libertà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, speċjalment id-dritt tal-kunfidenzjalità, u jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali, għall-kummerċ sigur u għall-benesseri u s-sigurtà tal-persuni. L-iżviluppi teknoloġiċi għandhom jippermettu żieda – sa mill-bidu – tal-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità, billi jipprovdu, bl-appoġġ tad-djalogu pubbliku/privat, strumenti għall-applikazzjoni trasparenti u reponsabbli tal-liġi li għandha tkun iffukata fuq il-protezzjoni tal-bniedem..

5.5

Dimensjoni ta’ taħriġ, ta’ appoġġ u ta’ integrazzjoni tar-riżorsi umani kwalifikati u b’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ sigurtà avvanzati, li kapaċi jagħtu servizzi ta’ kwalità, fi ħdan sistema ta’ interoperabbiltà totali, b’rispett lejn l-individwu u l-protezzjoni tad-dinjità tiegħu.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25.

(2)  Ara Homeland Security Act of 2002 e US Safety Act of 2002.

(3)  Ara ĠU C 100, 30.4.2009, p. 39; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 142.

(4)  Ara ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

(5)  Ara ĠU C 65, 17.3.2006, p. 30.

(6)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 162 u ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134.

(7)  Ara ĠU C 256, 27.10.2007, p. 47, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73 u ĠU C 181, 12.6.2012, p. 175.

(8)  F’nofsu, l-FP7 kien diġà ffinanzja iktar minn 130 proġett ta’ riċerka fil-qasam tas-sigurtà. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat katalgu ta’ proġetti ta’ suċċess iffinanzjati mill-FP7.

(9)  Ara INT/651 Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ

(10)  Ara ĠU C 218, 23.7.2011, p. 38.

(11)  Ara ĠU C 68, 6.3.2012, p. 35.

(12)  Ara ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1.

(13)  ISA – Interoperability Solutions for European Public Administrations 2010-1015.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku”

COM(2012) 497 final

2013/C 76/08

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar l-14 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku

COM(2012) 497 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Is-suċċess tar-riċerka u l-innovazzjoni jiddetermina l-kompetittività tal-Ewropa fix-xena globali, u b’hekk jiddetermina wkoll il-pedament tal-impjiegi, is-servizzi soċjali u l-prosperità. Il-programm Orizzont 2020 jinkludi l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE previsti f’dan il-qasam u li huma meħtieġa b’mod urġenti. Il-kooperazzjoni internazzjonali mal-imsieħba fil-pajjiżi barra mill-UE tagħmel parti minn dan.

1.2

Din il-kooperazzjoni għandha impatt pożittiv kbir fuq il-progress f’dan il-qasam li kisbu l-imsieħba involuti u fuq il-fehim bejn il-popli.

1.3

Madankollu, il-benefiċċju ta’ din il-kooperazzjoni għall-Ewropa jiddependi sew mill-attreanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif ukoll mill-prestiġju u l-prestazzjoni tal-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka u l-intrapriżi Ewropej, inklużi l-SMEs. Wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Ewropa.

1.4

Għalhekk huwa ferm urġenti li, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, tiġi implimentata politika Ewropea ta’ appoġġ antiċiklika u li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bażi tagħha, inkluża d-dimensjoni internazzjonali tagħha, jissaħħu u jsiru aktar attraenti u li jiġu protetti minn kwalunkwe tnaqqis baġitarju permezz tal-miżuri finanzjarji u strutturali kollha possibbli. Il-baġit għall-Orizzont 2020 m’għandux jintuża ħażin bħala l-kawża ta’ kunflitti bejn l-interessi differenti.

1.5

L-għan ewlieni tal-ftehimiet qafas miftiehma mal-pajjiżi msieħba għandu jkun li jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bi drittijiet u obbligazzjonijiet reċiproċi. Barra minn hekk, l-imsieħba tal-kooperazzjoni m’għandhomx jiġu limitati b’regolamentazzjoni Ewropea iktar milli jkun assolutament meħtieġ għad-difiża tal-interessi Ewropej. Il-kreattività tirrikjedi l-flessibbiltà!

1.6

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ proġetti għandhom jiġu konklużi mill-partijiet interessati kkonċernati li jipparteċipaw huma stess fil-proġett ta’ kooperazzjoni kkonċernat jew li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tiegħu.

1.7

L-infrastruttura ta’ riċerka u l-proġetti ta’ demostrazzjoni fuq skala kbira jistgħu josbqu l-kapaċitajiet u l-bżonnijiet potenzjali ta’ Stat Membru individwali – u saħansitra tal-UE b’mod ġenerali – u għalhekk jistgħu jirrikjedu l-parteċipazzjoni diretta tal-Kummissjoni.

1.8

Is-suċċess ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali jiddependi mill-affidabbiltà, il-kontinwità u l-pjani kontinġenti għall-perjodu kollu kopert. Dan jirrikjedi prekawzjonijiet speċjali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi garantita u appoġġjata mobbiltà adegwata għall-esperti li jipparteċipaw.

1.9

Il-kooperazzjoni internazzjonali mhijiex għan fiha nnifisha, iżda tgħaqqad lill-ħaddiema u għandha tkun ibbażata fuq il-valur miżjud mistenni li jinkiseb. Ma tistax issir xprun politiku tal-azzjoni esterna mwettqa mill-Kummissjoni.

1.10

Il-prinċipju gwida għandu jkun l-interessi proprji tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u tal-kapaċità Ewropea għall-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni ssussidjata minn fondi Ewropej mal-imsieħba minn pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għandha tiġi appoġġjata primarjament mill-baġits allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp.

1.11

Għall-imsieħba Ewropej tal-kooperazzzjoni, il-fatt li għad ma teżistix privattiva tal-UE għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali jikkostitwixxi żvantaġġ ekonomiku serju. Il-Kumitat jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jappoġġjaw l-ispinta ppjanata għal privattiva Ewropea b’effett uniformi u biex fl-aħħar noħorġu mis-sitwazzjoni ta’ staġnar. B’hekk jeħtieġ li fil-livell Ewropew jiġi stabbilit perjodu ta’ grazzja li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni.

1.12

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ strateġiku għandha tinkiseb mingħajr strumenti ġodda, iżda billi jintuża pereżempju l-proċess tal-ġbir tad-data previst fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Il-Komunikazzjoni tippreżenta r-raġunijiet, l-għanijiet strateġiċi u xi prattiki ta’ kooperazzjoni internazzjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. B’kooperazzjoni internazzjonali għandna nifhmu wkoll il-kooperazzjoni mal-imsieħba esterni tal-UE.

2.2

L-għanijiet imsemmija huma:

a)

it-tisħiħ tal-eċċellenza u l-attraenza tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetittività ekonomika u industrijali tagħha billi jkun hemm aċċess għal sorsi esterni ta’ għarfien; billi jkun attirat it-talent u l-investiment lejn l-Unjoni; billi jkun iffaċilitat l-aċċess għal swieq ġodda u emerġenti; kif ukoll billi jkun hemm ftehim dwar prattiki komuni għat-twettiq tar-riċerka u għall-isfruttar tar-riżultati;

b)

l-indirizzar tal-isfidi globali għas-soċjetà billi jkunu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet effettivi b’mod iktar mgħaġġel u billi jkun ottimizzat l-użu tal-infrastrutturi tar-riċerka;

c)

l-appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-politika tat-tkabbir, il-politika tal-viċinat, il-politika kummerċjali, il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), l-għajnuna umanitarja u l-politika għall-iżvilupp u billi r-riċerka u l-innovazzjoni jsiru parti integrali minn pakkett komprensiv ta’ azzjoni esterna.

2.3

L-appoġġ strateġiku l-ġdid għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkun ikkaratterizzat mill-punti li ġejjin:

il-programm Orizzont 2020 għandu jkun kompletament miftuħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, fattur li jippermetti lir-riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw mal-aħjar imħuħ minn madwar id-dinja;

attivitajiet immirati ta’ kooperazzjoni internazzjonali bl-iskala u l-ambitu neċessarji sabiex l-impatt ikun massimizzat;

l-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali multiannwali għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u reġjuni msieħba ewlenin;

it-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti;

il-promozzjoni ta’ prinċipji komuni għat-twettiq tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni;

it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-fora multilaterali;

it-titjib tal-implimentazzjoni, l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1

Is-suċċess tar-riċerka u l-innovazzjoni jiddetermina l-kompetittività tal-Ewropa fix-xena globali, u b’hekk jiddetermina wkoll il-pedament tal-impjiegi, is-servizzi soċjali u l-prosperità. Il-programm Orizzont 2020 jinkludi l-miżuri ta’ appoġġ tal-UE previsti mill-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam u li huma neċessarji b’mod urġenti. Il-kooperazzjoni internazzjonali tagħmel parti mill-programm Orizzont 2020.

3.2

Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni għandha impatt pożittiv kbir fuq il-progress f’dan il-qasam li kisbu l-imsieħba involuti u fuq il-fehim bejn il-popli. Dan ma jgħoddx biss għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka iżda wkoll fil-livell globali u b’hekk għad-diskussjoni dwar din it-tema. Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward (1).

3.3

Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni u jappoġġja fil-prinċipju l-għanijiet u l-argumenti tagħha.

3.4

Il-pożizzjonijiet ta’ negozjar tal-Ewropa fil-bidu tas-sħubijiet u l-benefiċċju mill-kooperazzjoni internazzjonali għall-UE jiddependu ħafna mill-attreanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, kif ukoll mill-prestiġju u l-prestazzjoni tal-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka u l-innovazzjoni tal-intrapriżi Ewropej, inklużi l-SMEs.

3.5

Wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Ewropa. Għalhekk huwa ferm urġenti li, fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, tiġi implimentata politika Ewropea ta’ appoġġ antiċiklika u li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-bażi tagħha, inkluża d-dimensjoni internazzjonali tagħha, jissaħħu u jsiru aktar attraenti u li jiġu protetti minn kwalunkwe tnaqqis baġitarju permezz tal-miżuri finanzjarji u strutturali kollha possibbli. Għal din ir-raġuni l-programm Orizzont 2020 għandu jkun provdut b’baġit li jkun tal-anqas ekwivalenti għal dak propost mill-Kummissjoni. Il-Kumitat itenni għalhekk l-appell li għamel kemm-il darba lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn stedinhom biex ma jippermettu l-ebda tnaqqis f’dan ir-rigward u li dan il-baġit ma joħloqx kunflitti ta’ interess.

3.6

Ir-riċerka u l-innovazzjoni ma jiffjorixxux bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Il-Kumitat itenni l-appell li għamel kemm-il darba biex fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka kull Stat Membru li għad mhuwiex mgħammar b’biżżejjed korpi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni eċċellenti jegħleb mill-aktar fis dan l-iżvantaġġ bl-għajnuna tal-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni u jiġi promoss il-ħolqien ta’ għadd suffiċjenti ta’ riċerkaturi eċċellenti u ta’ intraprenditorija innovattiva permezz ta’ politiki ta’ għajnuna u politiki ekonomiċi ta’ suċċess. Dan huwa l-uniku mezz biex jiġi implimentat fil-prattika l-kunċett utli ferm ta’ “Teaming of Excellence”(il-ħolqien ta’ timijiet ta’ eċċellenza) (2). Għaldaqstant, il-Kumitat jappella wkoll lill-Istati Membri kollha (u fejn ikun ikkonċernat, lis-settur privat ukoll) biex min-naħa tagħhom fl-aħħar jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona li issa ġew integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jonfqu 3 % tal-PNG fuq ir-riċerka u l-iżvilupp.

3.7

Wieħed mill-għanijiet iddikjarati tal-Kummissjoni huwa li “l-programm Orizzont 2020 ikun miftuħ b’mod sħiħ għal parteċipanti minn pajjiżi terzi, fattur li jippermetti lir-riċerkaturi Ewropej biex jikkooperaw mal-aħjar imħuħ minn madwar id-dinja”. Naturalment, din il-possibbiltà (3) ilhateżisti għexieren ta’ snin u tintuża ħafna. Il-Kummissjoni għandha tagħti stampa iktar ċara tas-sitwazzjoni. Għandha tiċċara liema libertajiet addizzjonali beħsiebha tikseb u b’liema riżorsi ġodda u x’mezzi ġodda għandhom ikunu permessi u appoġġjati.

3.8

Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi li fost il-miżuri ta’ appoġġ importanti għall-kooperazzjoni internazzjonali ta’ suċċess jiġu konklużi ftehimiet qafas ma’ pajjiżi msieħba potenzjali. Fil-fehma tal-Kumitat jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu konklużi tali ftehimiet ma’ pajjiżi industrijali partikolarment innovattivi, ta’ suċċess u bi prestazzjoni tajba. Dawn il-ftehimiet qafas, bl-istess mod bħall-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, għandhom jindirizzaw qabel kollox il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bi drittijiet u obbligi reċiproċi. Barra minn hekk, l-imsieħba potenzjali m’għandhomx jiġu limitati b’regolamentazzjoni Ewropea iktar milli jkun assolutament meħtieġ biex jiġu mħarsa l-interessi Ewropej.

3.9

Dawn il-ftehimiet qafas għandhom jevitaw kull fehma u influwenza irrilevanti u jippermettu biżżejjed flessibbiltà u libertà biex ikunu jistgħu jiġu konklużi kuntratti li jkunu l-aktar adatti għall-każijiet partikolari u s-sitwazzjoni oriġinali tagħhom. Il-kreattività tirrikjedi l-flessibbiltà!

3.10

L-affidabbiltà, il-kontinwità u l-pjani kontinġenti għall-perjodu kollu kopert minn proġett ta’ kooperazzjoni huma partikolarment importanti. Dan huwa kompitu ambizzjuż u jirrikjedi prekawzjonijiet partikolari.

3.11

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu konklużi mill-partijiet interessati kkonċernati li jipparteċipaw huma stess fil-proġett ta’ kooperazzjoni kkonċernat jew li huma responsabbli għall-organizzazzjoni tiegħu.

3.12

Min-naħa tagħa, il-Kummissjoni għandha tintervjeni direttament biss fil-każ fejn il-potenzjal ta’ Stat Membru, intrapriża jew korp ta’ riċerka individwali ma jkunx biżżejjed, b’mod partikolari għall-proġetti xjentifiċi u tekniċi fuq skala kbira, iżda f’dak il-każ ikollha tassumi wkoll ir-responsabbiltà. Il-Kumitat ifakkar (4) li huma b’mod partikolari l-infrastruttura ta’ riċerka u l-proġetti ta’ demostrazzjoni fuq skala kbira li jistgħu josbqu l-kapaċitajiet u l-possibbitajiet ta’ użu ta’ Stat Membru individwali – u saħansitra tal-UE b’mod ġenerali – u għalhekk jistgħu jirrikjedu l-parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tal-Kummissjoni.

3.13

Għall-kuntrarju, il-biċċa l-kbira tal-forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali jiżviluppaw permezz ta’ kuntatti personali bejn ir-riċerkaturi, il-gruppi ta’ riċerkaturi, l-intrapriżi u b’mod partikolari l-SMEs jew l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li tipikament jiġu stabbiliti u kultivati f’konferenzi jew fieri internazzjonali speċjalizzati. Dawn il-proċessi ta’ awtoorganizzazzjoni għandhom jiġu identifikati, rikonoxxuti, użati u appoġġjati b’mod aktar b’saħħtu. Il-Kumitat jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li tenna kemm-il darba f’dan ir-rigward ma ntlaqgħux min-naħa tal-Kummissjoni.

3.14

L-iżgurar ta’ biżżejjed mobbiltà għall-esperti li jipparteċipaw hija prerekwiżit għas-suċċess. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa dan l-aspett, jekk ikun hemm bżonn, abbażi tar-regolamenti u l-mudelli ta’ finanzjament għall-mobbiltà fi ħdan l-Ewropa.

3.15

Il-Kumitat (punt 5 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni) jinsab imħasseb dwar kemm il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ ssir għan politiku għall-Kummissjoni jew xprun politiku tal-politika esterna tagħha. Madankollu, fiha nnifisha l-kooperazzjoni mhijiex għan, iżda tirrikjedi impenji addizzjonali li huma ġġustifikati biss bl-għarfien u l-kompetenzi addizzjonali u komplementari u bir-riżultati miksuba mill-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-proġetti ta’ kooperazzjoni għandhom jinkludu biss lill-atturi li jistgħu jikkontribwixxu valur miżjud.

3.16

Id-dubji tal-Kumitat ma jikkonċernawx biss il-prijortiajiet fit-tqassim tal-fondi iżda wkoll in-nefqa amministrattiva. Għalkemm nistgħu nittamaw li l-miżuri ta’ semplifikazzjoni mħabbra (5) jnaqqsu n-nefqa tal-Orizzont 2020, din in-nefqa qed tkompli tassorbi parti konsiderevoli tal-manodopera tax-xjenzjati u r-riċerkaturi. Jekk issa ma’ din tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell dinji soġġetta għal proċeduri li jistgħu jkunu formali wisq ikun hemm riskju ta’ żieda oħra fil-burokrazija.

3.17

Punt ieħor ta’ tħassib jikkonċerna l-użu tar-riżorsi finanzjarji tal-programm Orizzont 2020 li sfortunatament għadhom limitati. Jekk dawn il-fondi jiġu investiti f’pajjiżi terzi barra mill-UE b’mod awtomatiku ma jkunux jibqgħu jistgħu jintużaw fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li l-prijoritajiet jiġu kkunsidrati bir-reqqa, anke fid-dawl tar-rekwiżiti addizzjonali konsiderevoli tal-Istati Membri tal-UE. Għalhekk, preferibbilment, it-tipi ta’ kooperazzjoni li primarjament huma intiżi bħala għajnuna għall-iżvilupp għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġits previsti għal dan il-għan.

3.18

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-proprjetà intellettwali u hija preżentata bħala raġuni biex jiġi adottat approċċ “Ewropew”. Fil-każ tar-riċerka fundamentali jeħtieġ li qabel kollox tiġi rikonoxxuta l-prijorità temporali ta’ skoperta jew konklużjoni ġdida. Madankollu, anke fil-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ qabel l-applikazzjoni naturalment diġà tkun qamet il-mistoqsija tal-ksib ta’ privattiva fl-eventwalità ta’ sejba.

3.19

Din hija l-pjaga li ilha ġġarrab l-Ewropa għal għexieren ta’ snin: għad ma teżisti l-ebda privattiva tal-Unjoni Ewropea. Għall-intrapriżi kollha tal-UE u b’mod partikolari għall-SMEs, din is-sitwazzjoni tfisser spejjeż ogħla meta mqabbla ma’ dawk tal-imsieħba ta’ kooperazzjoni tagħhom li mhumiex Ewropej (pereżempju fl-Istati Uniti) iżda twassal ukoll għar-rifjut ta’ privattiva u b’hekk għat-telf tal-protezzjoni li din toffri. Il-Kumitat jappella lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill (6) biex jappoġġjaw bis-sħiħ l-ispinta ppjanata fil-futur qarib għal privattiva Ewropea b’effett uniformi u biex fl-aħħar noħorġu mis-sitwazzjoni ta’ staġnar. Il-Kumitat jilqa’ r-riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar dan is-suġġett mill-Parlament Ewropew (7). B’hekk jeħtieġ li jiġi stabbiliti fil-livell Ewropew perjodu ta’ grazzja (8) li ma jkunx ta’ ħsara għall-innovazzjoni.

3.19.1

Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali fil-qafas tal-inizjattivi teknoloġiċi konġunti implimentati fil-livell internazzjonali għandhom jerġgħu jiġu diskussi u riveduti.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi limitata l-lista tal-pajjiżi eliġibbli għall-finanzjament awtomatiku billi l-kriterju attwali tal-għażla ibbażat biss fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) per capita jiġi kkomplementat bi kriterju addizzjonali ibbażat fuq il-Prodott Domestiku Gross (PDG), li jeskludi pajjiżi li jaqbżu limitu minimu definit.

4.1.1

Fil-fehma tal-Kumitat jeħtieġ li jittieħed approċċ differenti f’dan ir-rigward. Il-kriterju ewlieni għal kooperazzjoni ssussidjata mill-UE ma’ ċittadini partikolari minn pajjiżi barra l-UE għandu jkun l-interess speċifiku kif ukoll il-bżonnijiet tal-organizzazjonijiet, l-intrapriżi, l-SMEs, ix-xjenzjati u r-riċerkatui Ewropej fir-rigward tal-ksib ta’ għarfien relatat. L-appoġġ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandu jkun ta’ prijorità. Anke meta tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni ta’ espert eċċellenti minn pajjiż b’PDG ogħla għal proġett partikolari għandu jkun possibbli li jingħata appoġġ finanzjarju f’każ li ma jkun hemm l-ebda mod ieħor kif jinkisbu l-kompetenzi u l-għarfien tiegħu fl-interess tal-Ewropa. L-interessi proprji tal-UE għandhom ikunu l-prinċipju gwida!

4.2

Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn informazzjoni oġġettiva sabiex ikun implimentat approċċ strateġiku. Il-Kumitat jilqa’ d-dikjarazzjoni bil-fomm tar-rappreżentant tal-Kummissjoni li qal li l-istudju statistiku u l-ġbir tad-data ppjanati mill-Komunikazzjoni ma jirrekjedu l-ebda impenn addizzjonali, iżda li l-Kummissjoni beħsiebha tuża sorsi ta’ informazzjoni eżistenti għal dan il-għan. Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex jiġu evitati piżijiet addizzjonali għall-intrapriżi u r-riċerkaturi jintuża pereżempju l-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni tas-Semestru Ewropew (9).

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

(2)  Ara, pereżempju, Peter Gruss in MaxPlanckForschung 3/12, p. 6, ISSN 1616-4172.

(3)  Ara ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13, punt 3.2.

(4)  Ara b’mod partikolari ĠU C 181, 21.06.2012, p. 111, punt 4.3.1.

(5)  Ara ĠU C 48, 15.02.2011, p. 129, punt 1.2.

(6)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23 ta’ Ġunju 2011 – 11328/11.

(7)  http://www.europarl.europa.eu/news/mt/pressroom/content/20121210IPR04506/html/Il-Parlament-japprova-r-regoli-tal-UE-dwar-il-privattiva-unitarja

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Aċċess għall-informazzjoni xjentifika – investimenti pubbliċi”, punt 3.4. (Ara paġna 48 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.)

(9)  http://ec.europa.eu/europe2020/making-it-happen/index_mt.htm


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka”

COM(2012) 401 final

2013/C 76/09

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar is-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka

COM (2012) 401 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-aċċess għall-informazzjoni xjentifika huwa kundizzjoni essenzjali għas-suċċess tar-riċerka u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u, b’hekk, għall-kompetittività tal-Ewropa. Dan jinkludi t-trasferiment tal-għarfien bejn ir-riċerkaturi, is-sħubijiet ta’ riċerka – b’mod partikolari bejn id-dinja tar-riċerka u l-intrapriżi – kif ukoll bejn ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini.

1.2

Fid-dawl tal-kummenti ta’ hawn taħt, il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet u l-proposti mressqa mill-Kummissjoni; huwa jemmen li bis-saħħa tal-internet dawn jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma xjentifika u potenzjalment iżidu l-effiċjenza tagħha.

1.3

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jkomplu jiġu żgurati d-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, li ma tiġix kompromessa l-libertà tax-xjenza u r-riċerka, u li r-riċerkaturi jinżammu ’l bogħod mill-piż amministrattiv żejjed jew ix-xogħol addizzjonali li jnaqqas l-effiċjenza tagħhom.

1.4

L-aċċess miftuħ (permezz tal-internet) għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jestendi jew jikkomplementa l-libreriji abbażi tal-possibbiltajiet tekniċi tal-lum. Dan hu ta’ għajnuna kbira, qiegħed jintuża dejjem aktar u għandu jkompli jiġi monitorjat u żviluppat. Għandu jsir sforz biex tinkiseb simetrija globali bejn l-Ewropa u l-pajjiżi barra l-Ewropa.

1.5

Hemm bżonn li l-informazzjoni xjentifika tinżamm (jiġifieri l-ħżin tad-data xjentifika) għall-użu potenzjali fil-futur; illum dan jagħmel parti mill-prattika xjentifika tajba. Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-futur tkompli tappoġġja l-infrastruttura meħtieġa għal dan il-għan. Peress li l-ħżin tad-data jiġi indirizzat b’mod aktar dettaljat fil-ftehimiet tal-proġetti, id-deċiżjoni teknika dwar l-ammont, il-format, il-livell ta’ dettall u d-deskrizzjoni (bil-metadata) għandha tittieħed b’mod speċifiku għal kull każ u flimkien mar-riċerkaturi kkonċernati.

1.6

Dan iqajjem il-kwistjoni tal-aċċess miftuħ (jiġifieri ġenerali, globali, mingħajr ħlas, mingħajr kontrolli u mingħajr kundizzjonijiet) għad-data xjentifika maħżuna permezz tal-internet. Din il-kwistjoni fiha ħafna aspetti, tikkonċerna l-kultura xjentifika attwali u għandha tiġi indirizzata b’mod differenzjat u kawt. Filwaqt li dan hu possibbli f’ċerti oqsma ta’ riċerka fejn l-aċċess miftuħ estern jista’ jkun utli u mingħajr ħsara, f’ħafna oqsma oħrajn hemm oġġezzjonijiet deċiżivi. Għalhekk mhux ta’ min jiġġeneralizza.

1.7

F’ċerti każijiet is-soluzzjonijiet possibbli għandhom jibnu b’mod gradwali u tentattiv fuq il-prattiki volontarji li normalment diġà jintużaw għall-iskambju awtoorganizzat tad-data (eż. CERN, l-internet) u għandhom dejjem jiġu ttestjati b’mod empiriku fi proġetti pilota bi ftehim max-xjentisti involuti fir-riċerka. Però l-proċeduri amministrattivi relatati ma’ dan m’għandhomx jintroduċu rekwiżiti ġodda jew proċeduri addizzjonali li jaħdmu kontra l-isforzi ta’ semplifikazzjoni li għadhom kif inbdew.

1.8

Minkejja dan, jista’ jkun utli, speċjalment f’każ ta’ simetrija globali bejn l-Ewropa u l-pajjiżi barra l-Ewropa, li jingħata aċċess miftuħ għal parti adegwata mid-data li fuqha jkunu bbażati l-pubblikazzjonijiet aċċessibbli b’mod ħieles, sakemm il-piż addizzjonali marbut ma’ dan ikun aċċettabbli u ġustifikat.

1.9

Dawn il-miżuri kollha joħolqu spejjeż addizzjonali għar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom, li kultant jistgħu jkunu konsiderevoli. Dawn għandhom jitqiesu b’mod sħiħ fl-ippjanar u l-allokazzjoni tal-baġit.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-azzjoni li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u biex tagħti spinta lill-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka.

2.2

L-għanijiet tal-azzjoni huma:

aċċess għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi;

konservazzjoni tal-informazzjoni xjentifika;

aċċess għad-data tar-riċerka.

2.3

Rigward l-aċċess għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi bħalissa jeżistu żewġ mudelli tal-pubblikazzjoni:

aċċess miftuħ “Gold”: il-ħlas tal-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ma jibqax f’idejn il-qarrejja (permezz ta’ abbonamenti) iżda jmur f’idejn l-awturi. Is-soltu, dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-università jew mill-istitut ta’ riċerka li r-riċerkatur huwa assoċjat miegħu, jew mill-aġenzija ta’ finanzjament li qed tappoġġja r-riċerka.

aċċess miftuħ “Green” (awtoarkivjar): l-artiklu ppubblikat jew il-manuskritt finali vvalutat mill-pari jiġi arkivjat mir-riċerkatur f’repożitorju onlajn qabel, wara jew flimkien mal-pubblikazzjoni tiegħu. L-aċċess għal dan l-artiklu ta’ spiss jiġi ttardjat (“perjodu ta’ embargo”) fuq talba tal-pubblikatur ħalli b’hekk l-abbonati jibqa’ jkollhom benefiċċju miżjud.

2.4

Barra minn hekk jiġi ppreżentat kalendarju ta’ kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu pass wara ieħor matul il-perjodu tal-Orizzont 2020.

3.   Kummenti tal-Kumitat

Is-suġġett ta’ din l-Opinjoni hu l-aċċess miftuħ, jiġifieri ġenerali, mingħajr ħlas, globali u mingħajr limiti, permezz tal-internet għall-pubblikazzjonijiet futuri u d-data ta’ riċerka li jkunu bbażati fuqha, liema data normalment diġà tkun disponibbli f’format diġitali.

3.1   Stqarrijiet preċedenti

Fl-Opinjoni tiegħu dwar “il-Kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni” (1), il-Kumitat kien diġà tkellem dwar is-suġġett diskuss hawnhekk u ressaq xi kummenti bażiċi li għadhom validi. Dawn kienu marbutin mal-għan li jittejjeb it-trasferiment tal-għarfien bejn is-sħubijiet ta’ riċerka (speċjalment bejn id-dinja tar-riċerka u l-intrapriżi). Dan tqies bħala fattur essenzjali biex tissaħħaħ l-innovazzjoni u, b’hekk, il-kompetittività tal-Ewropa. Il-kummenti kienu jikkonċernaw ukoll il-mod kif tiġi indirizzata l-proprjetà intellettwali li tinħoloq fil-proċess tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll il-libertà tal-arti u x-xjenzi (2)  (3).

3.2   Id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali

Id-drittijiet tal-awtur u l-proprjetà intellettwali tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom jikkonċernaw minn banda r-rikonoxximent li nkiseb għarfien jew saret skoperta xjentifika għall-ewwel darba, normalment billi jiġu dokumentati l-awturi f’pubblikazzjoni, u mill-banda l-oħra jirrigwardaw ir-rikonoxximent, u jekk jagħti l-każ, id-drittijiet tal-użu (jew parti minnhom) tal-proċess kreattiv li fih l-għarfien ġdid jista’ jwassal għal innovazzjonijiet u skoperti ġodda, li ħafna drabi mbagħad jiġu protetti permezz ta’ privattiva. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ dak li tgħid il-Kummissjoni f’Kapitolu 4.1: “Il-politika ta’ aċċess miftuħ ma taffettwax il-libertà tal-awtur dwar jekk jippubblikax jew le u lanqas ma tinterferixxi mal-għoti ta’ privattivi jew ma’ kwalunkwe forma oħra ta’ sfruttament kummerċjali.”

3.3   Perjodu ta’ grazzja li ma jagħmilx ħsara lill-innovazzjoni

Jekk wieħed jippubblikax ir-riżultati xjentifiċi tiegħu fi stadju bikri u b’hekk jitlef id-dritt tal-innovazzjoni fuq skoperti li jistgħu jsiru permezz ta’ dawn ir-riżultati, jew inkella jekk jistenniex sabiex jevita dan u b’hekk jaf jitlef id-dritt ta’ prijorità pereżempju rigward xi skoperta, hija dilemma diffiċli li kultant tista’ tinvolvi xi telf. Sabiex tittaffa din id-dilemma, il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jiġi previst perjodu ta’ grazzja li ma jagħmilx ħsara lill-innovazzjoni meta tiġi introdotta l-privattiva tal-UE (4).

3.4   L-eżempju tal-liġi dwar il-privattivi

Matul għexieren ta’ snin ta’ żvilupp kontinwu f’livell internazzjonali, fil-liġi dwar il-privattivi ġie mfassal u stabbilit bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti inizjali ta’ kunfidenzjalità relatati mal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, l-aċċess miftuħ għall-prodotti tagħha. Għalhekk, illum il-ġurnata l-applikazzjonijiet għall-privattivi jsiru pubbliċi wara 18-il xahar u jkunu disponibbli wkoll għal kulħadd fuq l-internet.

3.5   Id-data tar-riċerka

S’issa l-prattika komuni kienet, f’xi dixxiplini aktar minn oħrajn, li:

i.

id-data miġbura fil-proċess tar-riċerka abbażi ta’ data mhux ipproċessata l-ewwel tiġi kkalibrata u ċċekkjata għat-tiqjis żbaljat, tiġi ttestjata l-konsistenza tagħha fi proċess ta’ diskussjonijiet interni, tiġi evalwata l-importanza tagħha, u jekk ikun hemm bżonn tiġi kkomparata jew ikkombinata ma’ data mkejla oħra, qabel ma tkun tista’ titpoġġa f’sett tad-data validu u affidabbli u ssir disponibbli għall-pubbliku; u

ii.

ir-riċerkaturi involuti jkunu l-ewwel nies li jirrappurtaw dwar din id-data fil-pubblikazzjonijiet, jinterpretaw ir-riżultati u jisiltu l-konklużjonijiet.

3.6   Approvazzjoni ġenerali

Fid-dawl ta’ dak li jintqal hawn fuq, il-Kumitat jappoġġja l-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni. Huwa jemmen li bis-saħħa tal-internet dawn jistgħu jiffaċilitaw il-ħidma xjentifika u potenzjalment iżidu l-effiċjenza tagħha. Jirrakkomanda li l-approċċi jew il-proċessi mibdija jkomplu jiġu żviluppati bil-mod il-mod, u dejjem bil-kollaborazzjoni tax-xjentisti involuti b’mod attiv fir-riċerka. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tad-dixxiplini differenti ta’ riċerka, u r-riċerkaturi għandhom jinżammu ’l bogħod mill-piż amministrattiv żejjed jew ix-xogħol addizzjonali li jnaqqas l-effiċjenza tagħhom. It-taqsima li jmiss tippreżenta aspetti u limitazzjonijiet oħra.

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1   Aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet

L-aċċess miftuħ (permezz tal-internet) għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jikkomplementa l-libreriji abbażi tal-possibbiltajiet tekniċi tal-lum. Dan hu ta’ siwi u għajnuna kbira, diġà qiegħed jintuża ħafna u għandu jkompli jiġi mmonitorjat u żviluppat bis-sħiħ.

4.1.1   “Gold” jew “Green”

Il-kwistjoni ta’ jekk jistax jew għandux jintlaħaq ftehim ma’ kull pubblikatur individwali dwar l-aċċess “Gold” jew dak “Green” hija waħda pjuttost prammatika u relatata mal-ispejjeż. L-importanti hu li jingħata aċċess bażiku għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi permezz tal-internet mingħajr ma jittardja wisq.

4.1.2   Spejjeż eċċessivi

Madankollu teżisti l-impressjoni li l-pubblikaturi ewlenin jitolbu ħlasijiet għoljin wisq għall-aċċess. Dan jista’ jitranġa bis-saħħa ta’ aktar kompetizzjoni fl-interazzjoni bejn l-awturi, l-edituri u l-pubblikaturi. Però fl-evalwazzjoni tar-riżultati xjentifiċi jaqdi rwol ukoll il-prestiġju tal-ġurnal fejn jiġu ppubblikati r-riżultati. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bid-diskussjonijiet tagħha mal-organizzazzjonijiet xjentifiċi dwar kif jista’ jsir aktar titjib. Però dan m’għandux jillimita l-libertà tal-awturi li jagħżlu f’liema ġurnal jippubblikaw.

4.1.3   Preprints

Il-Kumitat jinnota l-prattika mifruxa li d-dinja akkademika tingħata aċċess minn qabel fil-forma ta’ preprints – anke fuq l-internet – għar-riżultati li jkunu għadhom qed jiġu evalwati mill-esperti esterni (referees) qabel il-pubblikazzjoni tagħhom f’ġurnal akkademiku. L-istess ħaġa tgħodd għall-preżentazzjonijiet waqt simpożji u konferenzi speċjalizzati, li b’hekk jaqdu rwol importanti ħafna biex ilaqqgħu flimkien lill-esperti.

4.1.4   Ftehimiet internazzjonali – simetrija

Fil-livell internazzjonali m’għandux ikun hemm żbilanċi kbar bejn l-UE u l-pajjiżi l-oħra. Jekk ix-xjentisti u l-pubbliku madwar id-dinja kollha jiksbu aċċess mingħajr ħlas għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi maħruġa fl-UE permezz tal-internet, hemm bżonn li anke x-xjentisti u l-pubbliku tal-UE jkollhom aċċess mingħajr ħlas għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha maħruġin lil hinn mill-UE. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb din is-simetrija permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. Il-ħidma xjentifika tista’ tiġi ssemplifikata verament biss permezz ta’ fluss globali tal-informazzjoni.

4.1.5   Konferenzi speċjalizzati u libreriji

Fl-istess ħin, il-Kumitat iwissi li l-aċċess miftuħ (“open access”) ma jfissirx li l-forom l-oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni u ideat isiru superfluwi jew irrilevanti. Ix-xogħol fuq il-kompjuter ma jiħux post l-effett stimulanti tat-taħdidiet u d-diskussjonijiet jew l-ambjent intellettwali ta’ librerija jew konferenza speċjalizzata.

4.2   Ħżin tad-data

Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka l-kbar diġà jinkludu l-ħżin tad-data fir-regoli tagħhom dwar il-prattiki xjentifiċi tajbin. Minħabba l-ammont kbir ħafna ta’ data miġbura llum il-ġurnata, dan il-kompitu hu l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ riżorsi u infrastruttura disponibbli, jiġifieri jinvolvi spejjeż konsiderevoli f’tagħmir u persunal biex jiġu vvalidati l-kwantitajiet ta’ data, u fejn ikun hemm bżonn biex tiġi ssortjata, imqassra, imnaqqsa jew imħassra d-data mhux ipproċessata, kif ukoll biex id-data tiġi annotata permezz ta’ metadata, u dan kollu mingħajr ma tintilef informazzjoni importanti. Hawnhekk għandha tiġi kkunsidrata r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

4.2.1   Appoġġ mill-Kummissjoni

Il-Kumitat jilqa’ l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet jew beħsiebha tieħu biex tappoġġja l-ħżin tad-data tar-riċerka u l-infrastruttura meħtieġa għal dan il-għan.

4.2.2   Soluzzjonijiet speċifiċi

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li m’għandhomx jitfittxu soluzzjonijiet ġenerali, iżda kull qasam għandu jiddeċiedi b’mod indipendenti kemm ser jaħżen data u b’liema mezzi, kif ukoll x’tip ta’ standardizzazzjoni għandu jadotta. Hawnhekk għandhom jintużaw kemm jista’ jkun standards miftuħa u internazzjonali sabiex l-interoperabilità tkun possibbli.

4.3   Aċċess miftuħ estern għad-data

L-intenzjoni tal-Kummissjoni u oħrajn (5) li jippromovu l-aċċess (diġitali) miftuħ tissejjes b’mod partikolari fuq l-għanijiet li ġejjin:

a)

it-titjib tal-kwalità tad-diskors xjentifiku, għaliex b’mod ġenerali biex wieħed jifhem u jevalwa fil-fond ir-riżultati xjentifiċi ppubblikati, ikollu bżonn id-data analizzata u l-għodod użati għall-analiżi tagħha;

b)

iż-żieda tar-rendiment tal-fondi pubbliċi li jintużaw għall-ġbir tad-data permezz tal-użu mill-ġdid tad-data.

Il-Kumitat jista’ jibda billi jaqbel bis-sħiħ ma’ dawn l-għanijiet kollha.

Madankollu, il-mistoqsija hi xi strumenti għandhom jintużaw għal dan, kemm għandu jkun differenzjat u sa liema punt għandu jasal, x’piż addizzjonali (inkluż amministrattiv) huwa marbut miegħu u jekk dan il-piż huwiex ġustifikat mill-benefiċċju mistenni, u x’oġġezzjonijiet hemm għalih.

4.3.1   Prattiki attwali

Karatteristika essenzjali tar-riċerka xjentifika hi li l-proċess tal-għarfien flimkien mas-sorsi u d-data miksuba minnu jridu jkunu jistgħu jiġu mifhuma u riprodotti, u li l-konklużjonijiet mislutin għandhom jirreżistu kull diskussjoni u dibattitu. Għal dan il-għan, fil-komunità xjentifika hemm proċeduri stabbiliti sew u ta’ suċċess għal qabel, waqt u wara l-pubblikazzjoni fil-ġurnali, bħas-seminars, il-konferenzi, l-opinjoni tal-esperti, l-evalwazzjoni bejn il-pari, l-iskambju tal-informazzjoni u d-data, l-iskambju tal-persunal, eċċ. Barra minn hekk, issa qed jintużaw ukoll l-għodod moderni tal-aġenda diġitali. Fis-CERN (6) l-internet ġie propost għall-iskambju tad-data u qed ikompli jiġi żviluppat mal-imsieħba.

4.3.2   Azzjoni addizzjonali

Għaldaqstant, il-proposti tal-Kummissjoni għandhom jindirizzaw biss il-kwistjoni ta’ kif dawn il-proċessi ta’ organizzazzjoni awtonoma li ntużaw s’issa jistgħu jiġu kkomplementati, imtejba, issemplifikati u mfassla b’mod aktar effiċjenti. L-azzjoni konkreta addizzjonali ppjanata għal dan il-għan mhix ċara biżżejjed fil-Komunikazzjoni; jidher li l-miżuri ppjanati jinkludu proġetti pilota.

4.3.3   Problemi – diffikultajiet

Filwaqt li l-aspettattivi rigward l-aċċess miftuħ diġà ssemmew, hemm bżonn li jitqiesu l-problemi li għandhom jiġu solvuti, l-eċċezzjonijiet u d-diffikultajiet. Dawn tal-aħħar jikkonċernaw, pereżempju:

il-kunfidenzjalità fl-iżviluppi innovattivi, speċjalment flimkien mal-industrija (SMEs); il-kwistjoni tal-privattivi;

il-kunfidenzjalità b’rabta mad-data dwar il-pazjenti fir-riċerka medika;

il-garanzija tad-drittijiet (tar-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka) bħala awturi tad-data;

in-nuqqas ta’ ftehim fil-ġbir u l-interpretazzjoni tad-data flimkien mal-konsegwenzi relatati;

il-possibbiltà ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tat-teknoloġija previsti fil-liġi dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet;

il-garanzija ta’ simetrija globali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi;

l-ispejjeż f’persunal u tagħmir biex id-data rilevanti tiġi ffiltrata mill-ammonti kbar ta’ data mhux ipproċessata li ħafna drabi ma tkunx ċara, u biex din id-data tkun tista’ tinfiehem u tintuża minn persuni esterni.

Jidher ċar li dawn il-problemi jxekklu l-introduzzjoni ġenerali tal-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka.

4.3.4   Approċċ differenzjat

Għalhekk għandu jiġi adottat approċċ differenzjat. Il-Kumitat itenni li jeżistu oqsma fejn l-aċċess miftuħ estern għad-data tar-riċerka permezz tal-internet jista’ jkollu xi vantaġġi, bħad-data meteoroloġika, il-ġabriet ġenetiċi (gene pools), id-data demografika jew data oħra definita tajjeb u b’rilevanza statistika (għalkemm hawnhekk għad irid jiġi ċċarat kif għandha tiġi definita d-“data” stess).

Madankollu, fl-istess ħin jirrakkomanda approċċ aktar kawt, pereżempju fil-każ ta’:

i.

sperimenti kumplessi ħafna bħall-aċċelleraturi jew l-impjanti fejn isiru t-testijiet tar-riċerka dwar il-fużjoni; u

ii.

kull kooperazzjoni mar-riċerka industrijali, inklużi l-SMEs.

4.3.5   Proprju fl-aħħar każ, il-Kumitat jara kontradizzjoni inerenti bejn l-għanijiet li, minn banda, jiġi promoss l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka u, mill-banda l-oħra, li tiżdied il-promozzjoni tal-innovazzjoni b’enfasi fuq is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat, eċċ., fejn il-kunfidenzjalità hija essenzjali. Madankollu, anke t-tentattiv li jinsab bilanċ bejn dawn l-għanijiet kontradittorji billi ssir distinzjoni bejn id-data li “ma tagħmilx ħsara” minn naħa, pereżempju dik tar-riċerka bażika, u d-data li twassal għall-innovazzjoni min-naħa l-oħra, pereżempju dik tar-riċerka applikata, mhuwiex mingħajr riskji. Dan għaliex distinzjoni ta’ dan it-tip a priori timplika li wieħed jista’ jara l-futur. Wara kollox, l-għarfien ġdid rivoluzzjonarju tal-hekk imsejħa riċerka bażika jista’ jkun partikolarment innovattiv, u b’hekk jekk jiġi ppubblikat kmieni wisq tista’ tintilef il-protezzjoni li toffri privattiva (ara wkoll il-punt 3.3). Għaldaqstant, hawnhekk għandha tinsab soluzzjoni prammatika li tixbah lil dik tal-pubblikazzjonijiet “normali” (ara l-punt 3.2 u l-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni).

4.3.6   Approċċ volontarju

Għalhekk, ir-riċerkaturi f’kull proġett ta’ riċerka għandhom ikunu jistgħu jagħżlu b’mod ħieles jekk jagħtux aċċess miftuħ għad-data miksuba fil-proġett tagħhom b’ċerti kundizzjonijiet; u jekk jiddeċiedu li jagħmlu dan, għandhom ikunu jistgħu jagħżlu meta u x’livell ta’ dettall jagħtu. L-eżempju tas-CERN juri tajjeb li l-proċessi volontarji minn isfel għal fuq jakkomodaw il-kwistjoni diskussa hawnhekk aħjar mill-impożizzjoni tar-regoli. Il-Kumitat jirrakkomanda li titpoġġa fiduċja akbar fil-kapaċità tal-komunità xjentifika li torganizza lilha nnifisha. Għandha tiġi evitata kull impożizzjoni bil-forza (ara l-punt 4.3.10) fuq il-kultura xjentifika li s’issa kellha suċċess iżda li hi wkoll sensittiva.

4.3.7   Id-data fil-pubblikazzjonijiet

Jista’ jiġi kkunsidrat pereżempju li parti (ara l-punt 4.2) mid-data li fuqha jkunu bbażati l-pubblikazzjonijiet aċċessibbli permezz tal-aċċess miftuħ titħejja f’format elettroniku u tkun aċċessibbli b’mod miftuħ flimkien mal-pubblikazzjonijiet. Iżda hawnhekk wieħed ukoll jista’ jistaqsi u forsi jeżamina jekk il-benefiċċju mistenni mill-użu onlajn tad-data minn persuni terzi jiġġustifikax il-piż addizzjonali relatat fuq l-awturi inizjali, li jtellifhom mill-ħidma ta’ riċerka tagħhom.

4.3.8   Proġett pilota

Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex l-ewwel tniedi proġett pilota f’qasam adatt li ma tantx hu kumplikat sabiex tibda tikseb l-esperjenza. Għandu jsir rapport dwar il-valur miżjud miksub.

4.3.9   Burokrazija u aċċettazzjoni

L-iskuntentizza konsiderevoli ta’ ħafna riċerkaturi rigward il-burokrazija żejda min-naħa tal-Kummissjoni fil-proċeduri tal-applikazzjoni u tal-għoti naqset xi ftit bis-saħħa tal-isforzi favur is-semplifikazzjoni u l-kontinwità (7) fl-istrumenti ta’ għajnuna. Din l-iskuntentizza tista’ terġa’ tiżbroffa minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb fit-tfassil tar-rekwiżiti ġodda, l-indħil fil-ħidma ta’ riċerka u l-ostakli burokratiċi ġodda.

4.3.10   L-interess ta’ min jipprovdi l-fondi

Fid-dibattitu dwar il-kwistjonijiet imsemmijin hawn fuq tqum ukoll il-mistoqsija ta’ jekk “min jipprovdi l-fondi” jew “min iħallas it-taxxi” – hawnhekk rappreżentati mill-Kummissjoni – għandux jesiġi bħala kundizzjoni għall-kontribut tiegħu li d-data kollha miksuba mir-riċerka tkun disponibbli b’mod miftuħ fuq l-internet, u jekk dan huwa l-każ, sa liema punt. Minkejja l-kummenti li jsiru fil-punti 3.1 u 3.2, id-diskussjoni f’din l-Opinjoni ma tiffokax fuq din il-kwistjoni. Proprju fl-interess ta’ “min jipprovdi l-fondi”, il-Kumitat aktar jixtieq ikun jaf xi proċeduri ta’ finanzjament u ta’ ġestjoni tar-riċerka jistgħu jintużaw biex jinkiseb l-aħjar riżultat xjentifiku u ekonomiku.

4.4   Piż addizzjonali fuq il-baġits tar-riċerka

Il-miżuri kollha proposti mill-Kummissjoni jneħħu l-piż minn fuq min jirċievi l-informazzjoni (pubblikazzjonijiet, data) li jħallas għal din l-informazzjoni. Dawn l-ispejjeż imbagħad iridu jintrefgħu minn min joħloq id-data u l-pubblikazzjonijiet, jiġifieri r-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Għalhekk dawn l-ispejjeż iridu jiġi koperti mill-baġits tar-riċerka kkonċernati, u fir-riċerka ffinanzjata mill-UE dawn jittieħdu mill-baġit tal-Orizzont 2020. Għalhekk dawn l-ispejjeż iridu jiġu inklużi fl-ammont tal-għajnuna kkonċernata.

4.4.1

Għaldaqstant, b’aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, il-baġit tar-riċerka mhux talli jrid ikopri l-ispejjeż ta’ riċerka ġdida iżda wkoll dawk biex ir-riżultati jkunu aċċessibbli b’mod ġenerali.

4.4.2

L-istess jista’ jingħad għall-ispejjeż taż-żieda fil-ħżin tad-data u l-ispejjeż f’persunal u infrastruttura relatati ma’ dan (b’mod partikolari bħala prerekwiżit għall-punt 4.4.3).

4.4.3

Naturalment, dan japplika aktar u aktar għall-ispejjeż addizzjonali biex fejn ikun hemm bżonn jingħata aċċess pubbliku għad-data tar-riċerka kollha jew parti minnha.

4.5   Il-possibbiltà ta’ ideat żbaljati

Il-Kumitat għandu l-impressjoni li fid-dibattitu politiku, ċerti esiġenzi u raġunijiet relatati mal-aċċess miftuħ huma bbażati wkoll fuq ideat żbaljati dwar il-mod kif jaħdmu x-xjentisti u r-riċerkaturi u fuq il-mod ta’ kif ċittadin normali jifhem il-kwistjonijiet xjentifiċi. Normalment il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jinfiehmu biss mill-esperti fil-qasam, u għalhekk l-aċċess miftuħ jaqdi biss lill-esperti. L-istess ħaġa tista’ tingħad rigward l-aċċess għad-data tar-riċerka.

4.6   Tagħrif għaċ-ċittadini u l-atturi politiċi

Għalhekk, huwa daqstant ieħor importanti li jsiru sforzi biex il-messaġġi ewlenin tal-għarfien ġdid jitwasslu lill-pubbliku ġenerali. Il-Kumitat diġà enfasizza kemm-il darba l-importanza ta’ dawn l-istrateġiji u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni b’rabta ma’ dan, inkluż il-CORDIS (8). Għandu jiġi enfasizzat l-impenn tax-xjentisti li huma kapaċi jispjegaw l-għarfien fil-qasam tagħhom b’mod li jifhmuh kemm jista’ jkun nies. Fl-aħħar nett, huwa importanti wkoll li l-atturi politiċi jkunu informati bl-aħjar mod dwar il-kontenut u l-importanza tal-għarfien xjentifiku kif ukoll dwar il-potenzjal ta’ aktar riċerka sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet fuq bażi soda.

4.7   Aċċess għall-għarfien espert

Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sikwit jilmentaw li m’għandhomx biżżejjed aċċess għal għarfien espert speċjalizzat. Għaldaqstant huwa importanti, b’mod partikolari għall-SMEs, li għall-inqas ikollhom aċċess għal espert intern jew estern li jifhem id-data jew għal organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni ekwivalenti. Barra minn hekk, minn naħa l-Kumitat jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu (f’opinjoni preċedenti (9)) biex il-Kummissjoni toħloq magna tat-tiftix speċifika f’dan il-qasam, u min-naħa l-oħra jagħmel referenza għall-magna tat-tiftix (10) li għandu l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li bis-saħħa tagħha issa jistgħu jinsabu l-parti l-kbira tal-ispeċifikazzjonijiet tal-privattivi l-aktar reċenti li huma disponibbli madwar id-dinja.

4.8   Aċċess bl-internet għall-pubblikazzjonijiet preċedenti

Lil hinn mis-suġġett diskuss hawnhekk, huwa interessanti, speċjalment għall-istudji umanistiċi, li l-pubblikazzjonijiet oriġinali qodma jkunu disponibbli wkoll b’mod elettroniku fuq l-internet. Minkejja li mhux is-suġġett tal-Opinjoni preżenti, il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ kull sforz marbut ma’ dan.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8 – Kapitolu 3.

(2)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 13 (Marzu 2010): “Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.”

(3)  Ara, pereżempju, Torsten Wilholt f’FORSCHUNG & LEHRE, id-19-il sena 12/12, p. 984; www.forschung-und-lehre.de

(4)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39 – Punt 3.9.

(5)  Pereżempju: www.royalsociety.org/uploadedFiles/Royal_Society_Content/policy/projects/sape/2012-06-20-SAOE.pdf, www.wissenschaftsrat.de/download/archiv/2359-12.pdf

(6)  Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari.

(7)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 129.

(8)  http://cordis.europa.eu/home_en.html

(9)  ĠU C 218, 11.9.2009 – Punt 3.2.

(10)  http://worldwide.espacenet.com


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga”

COM(2012) 548 final — 2012/0261 (COD)

2013/C 76/10

Relatur: is-Sur SEARS

Nhar il-15 ta’ Ottubru 2012 u t-22 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga

COM(2012) 548 final – 2012/0261 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Jannar 2013.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din il-proposta ġiet żviluppata biex tirrimedja dgħufijiet speċifiċi identifikati fil-leġislazzjoni tal-UE eżistenti fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ bejn negozji fl-UE fl-anidride aċetiku, komodità kimika b’ħafna użi leġittimi u essenzjali iżda soġġetta wkoll għal dirottament bħala prekursur għall-produzzjoni illeċita tal-eroina mill-morfina, ġeneralment fl-Afganistan. Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal dan ir-Regolament li jemenda u jappoġġja l-proposta bis-sħiħ.

1.2

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta li tiġi stabbilita bażi tad-data Ewropea ta’ operaturi u utenti finali approvati u li tittejjeb il-ġabra ta’ rapporti mill-Istati Membri ta’ sekwestri u waqfien ta’ trasportazzjonijiet illeċiti tal-prekursuri tad-droga skedati u mhux skedati kollha.

1.3

L-estensjoni tal-leġislazzjoni eżistenti dwar ir-reġistrazzjoni għall-“utenti”, għall-kuntrarju tal-“operaturi” tirrikjedi ċerti definizzjonijiet ġodda jew riveduti; ġew osservati xi problemi żgħar u tressqu xi rakkomandazzjonijiet. L-utenti finali għandhom jingħataw informazzjoni kompleta dwar l-għan u l-benefiċċji tar-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw l-istess drittijiet tal-aċċess għall-postijiet tan-negozju tal-utenti finali kif inhuwa previst attwalment fil-każ tal-operaturi.

1.4

Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposti l-ġodda ser ikunu effettivi biss jekk jiġu kkomunikati kif xieraq u mingħajr piżijiet finanzjarji addizzjonali mhux meħtieġa għal dawk kollha involuti. Għalhekk, il-proposta li l-mikrointrapriżi jiġu esklużi mill-ħlasijiet tar-reġistrazzjoni hija appoġġjata bis-sħiħ.

1.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li l-partijiet involuti fl-Ewropa laqgħu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni rilevanti tan-NU tal-1988, b’mod partikolari l-Artikolu 12, fir-rigward li ssir ħidma konġunta sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa. Dan wassal għal suċċess fil-ħidma reċiproka, fl-UE u lil hinn minnha, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità, tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini, ikun permess li jitkompla l-kummerċ leġittimu, u jiġu salvagwardjati r-reputazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet u n-negozji kkonċernati. Il-proċessi li ġew segwiti, il-grad ta’ rispett reċiproku u l-fiduċja żviluppata, kif ukoll l-istil u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet lill-partijiet affettwati, kollha jistħoqqilhom li jiġu rikonoxxuti bħala xempji ta’ imġiba regolatorja u l-konformità fil-livell tal-UE jew kwalunwke livell ieħor. Nittamaw li l-proposti ppjanati dwar kontrolli fuq is-sustanzi psikotropiċi u l-hekk imsejħin “designer drugs” sintetiċi fi ħdan il-qafas ta’ politiki sodi, iffukati tajjeb u bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tas-saħħa pubblika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni, isegwu mudell simili. Il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi għal dawn il-proposti eventwalment.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-prekursuri tad-droga huma sustanzi li huma manifatturati, innegozjati u użati mad-dinja kollha f’varjetà wiesgħa ta’ proċessi leġittimi u essenzjali, iżda li jistgħu jiġi dirottati għall-manifattura illeċita ta’ drogi bħall-kokaina, l-eroina, l-estasi jew il-metamfetamini. L-isforzi sabiex ikun ikkontrollat il-kummerċ f’dawn is-sustanzi, meħtieġa għall-proprjetajiet fiżiċi tagħhom, pereżempju bħala solventi sabiex jiġu estratti ingredjenti attivi minn sorsi ta’ pjanti, jew bħala aġenti kimiċi sabiex jiġu modifikati n-natura u l-effetti tad-drogi li jirriżultaw, ilhom jitqiesu/ bħala essenzjali għal żmien twil.

2.2

Il-qafas internazzjonali għal azzjoni huwa previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-traffikar illeċitu tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi. L-Artikolu 12 jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji u n-negozji hija essenzjali sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

2.3

Fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE), it-tnaqqis tad-dirottament tal-prekursuri tad-droga huwa objettiv importanti kemm tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi (2005-2012) kif ukoll tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra d-Droga (2009-2012). Il-qafas legali għall-kummerċ intern huwa attwalment previst mir-Regolament (KE) Nru 273/2004, ġestit mid-DĠ ENTR (Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija), u dak għall-kummerċ estern huwa previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005, ġestit mid-DĠ TAXUD, (Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 emendat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 297/2009 u (UE) Nru 225/2011 jipprevedi regoli ta’ implimentazzjoni ddettaljati għall-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi.

2.4

Taħt dawn ir-Regolamenti, l-Istati Membri jiġbru flimkien u jirrapportaw it-tunnellaġġi ta’ ċerti sustanzi skedati (jiġifieri, immonitorjati u kkontrollati speċifikament) u mhux skedati (immonitorjati b’mod volontarju) li twaqqfu (qabel ma bdiet il-konsenja) jew ġew issekwestrati (matul jew wara l-konsenja). Dawn il-kwantitajiet jistgħu mbagħad jiġu relatati mal-kwantitajiet totali ta’ tali sustanzi mwaqqfa jew issekwestrati mad-dinja kollha. Kwalunkwe żieda mhux mistennija fil-kwantitajiet irrapportati, jew bidla fil-frekwenza u d-distribuzzjoni ta’ waqfien u sekwestri, tista’ tkun dovuta għall-monitoraġġ imtejjeb iżda tista’ wkoll tindika l-mira miżjuda ta’ suq partikolari għal skopijiet illeċiti, possibbilment minħabba dgħufijiet perċepiti jew reali fil-kontrolli lokali.

2.5

Id-data konsolidata għall-2008 uriet żieda ta’ seba’ darbiet matul l-2007 fil-kwantità rrapportata għal prekursur wieħed partikolari, l-anidride aċetiku, użat biex il-morfina (derivata mill-oppju) tiġi konvertita fl-eroina. Il-241 tunnellata ssekwestrati fl-UE rrappreżentaw aktar minn 75 % tas-sekwestri dinjija totali. Dan wassal għall-kritika ripetuta mill-Bord Internazzjonali tal-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) tan-NU. Rapport tal-Kummissjoni COM(2009) 709 dwar l-evalwazzjoni u l-funzjonament tal-leġislazzjoni rilevanti kkonkluda li, minkejja li ġeneralment il-prestazzjoni kienet sodisfaċenti, kien hemm fil-fatt ċerti dgħufijiet u għamel ir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ u l-kontroll tal-bejgħ tal-anidride aċetiku fl-UE.

2.6

Matul dan il-proċess il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha rrikonoxxew li l-anidride aċetiku jaqdi rwol essenzjali ta’ aġent alkilanti fis-sinteżi ta’ firxa wiesgħa ta’ materjali miksija, films, plastiks, farmaċewtiċi (pereżempju l-aspirina) u prodotti tal-konsumatur oħrajn. Jingħad li l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni globali totali (attwalment madwar miljun tunnellata fis-sena) hija użata internament mill-produtturi; proporzjon iżgħar, anqas minn terz tat-total, hija nnegozjata lill-utenti finali tal-partijiet terzi. L-ammont meħtieġ għall-użu illeċitu, essenzjalment fl-Afganistan, huwa stmat bejn it-380 u l-570 tunnellata fis-sena. Dan imbagħad jipproduċi madwar 380 tunnellata kull sena ta’ eroina Afgana, li minnhom 70 tunnellata jiġu fornuti lill-utenti fl-Ewropa. F’valur tas-suq medju rrapportat fl-Ewropa ta’ EUR 40 għal kull gramma, dan ifisser li l-kummerċ illeċitu annwali jirrappreżenta madwar EUR 3 biljun. Il-valur tas-suq tal-anidride aċetiku meħtieġ huwa trivjali meta mqabbel ma’ dan – u meta mqabbel mal-valur tal-bejgħ leġittimu jew mal-kost ta’ reputazzjonijiet personali jew korporattivi mitlufa wara li jsiru t-tali dirottamenti għall-użu illeċitu. Il-programm dinji “Responsible Care” tal-industrija tal-kimika jgħin biex ikun żgurat li dawn il-punti jinftiehmu minn operaturi leġittimi li jidħlu fis-suq għall-ewwel darba.

2.7

Huwa wkoll rikonoxxut li, anke jekk id-dirottamenti attentati kollha fl-Ewropa jiġu evitati b’suċċess, tali dirottamenti ser isiru fi nħawi oħra fid-dinja. Il-benefiċċji finanzjarji għall-produtturi tad-droga, bħal hawn fuq, huma kbar wisq. Madankollu, il-kontrolli għadhom ġustifikati bis-sħiħ u jservu ta’ mudelli biex jiġu segwiti minn oħrajn. Sakemm jitqiesu bħala kosteffikaċi, huma appoġġjati bis-sħiħ mis-setturi tal-industrija affettwati sabiex il-kummerċ leġittimu tagħhom ġewwa l-UE jkun jista’ jkompli.

2.8

Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat numru ta’ approċċi alternattivi, kif stabbiliti fil-valutazzjoni tal-impatt, u kkonsultat lill-korpi rappreżentattivi tas-setturi affettwati – primarjament is-CEFIC għall-produtturi (“operaturi”) u ċerti utenti finali kbar u l-FECC għad-distributuri u l-utenti finali iżgħar – kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li ser ikunu meħtieġa jimplimentaw il-proposti. Kien hemm qbil ġenerali li l-proposta attwali kienet l-għażla preferita.

3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni testendi r-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni eżistenti (li attwalment japplikaw biss għall-produtturi, id-distributuri u l-kummerċjanti tal-anidride aċetiku), għall-utenti finali industrijali, jiġifieri, il-kumpaniji li jixtru l-anidride aċetiku għall-użi jew proċessi tagħhom stess fl-UE.

3.2

Dan huwa intenzjonat biex jillimita aktar id-dirottamenti reali jew attentati tal-anidride aċetiku fl-UE fi sforz li jitnaqqas l-użu illeċitu barra mill-UE, u biex tinħoloq sigurtà legali akbar għal negozji li jaġixxu b’mod leġittimu fi ħdan l-UE.

3.3

Il-Kategorija 2 eżistenti ta’ sustanzi skedati taħt ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 hija għalhekk maqsuma f’żewġ partijiet, bil-Kategorija 2a riservata għall-anidride aċetiku u l-Kategorija 2b għal erba’ kimiki ta’ komodità mhux affettwati minn din il-bidla. Id-definizzjonijiet tal-Kategorija 1, għal prodotti kimiċi speċjali b’volum aktar baxx li huma soġġetti għal kontrolli saħansitra aktar stretti mill-prekursuri tad-droga “ewlenin” l-aktar sensittivi, u tal-Kategorija 3, għal kimiki bl-ingrossa għal diversi skopijiet, għadhom l-istess.

3.4

Il-proposta għandha l-għan ukoll li tistabbilixxi Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Prekursuri tad-Droga sabiex tiżgura ġbir ta’ data aktar effiċjenti dwar is-sekwestri u l-konsenji mwaqqfa u sabiex tinżamm lista ta’ operaturi u utenti tal-UE bil-liċenzja jew reġistrati li jipproduċu, jikkummerċjalizzaw jew jużaw il-prekursuri tad-droga b’mod legali.

3.5

Il-proposta tiċċara wkoll xi definizzjonijiet eżistenti, tipprovdi eżenzjonijiet għall-ħlas ta’ reġistrazzjoni għall-mikrointrapriżi, temenda d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-Komitoloġija b’konformità mar-regoli l-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona u telimina l-bżonn ta’ proċess formali tal-adozzjoni fit-tħejjija tal-linji gwida. Il-proposta tiċċara wkoll id-drittijiet tal-Istati Membri li jadottaw miżuri addizzjonali biex jiksbu informazzjoni u, f’każ ta’ bżonn, jidħlu fil-bini tan-negozju tal-operaturi f’każ li jkun hemm xi ordni suspettuża dwar sustanzi mhux skedati.

3.6

Il-bażi legali għall-proposta hija l-Artikolu 114 (it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) u, tal-anqas fil-forma attwali tiegħu, jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE fir-rigward kemm tas-sussidjarjetà kif ukoll tal-proporzjonalità.

3.7

Ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Ir-Regolament jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni sa 18-il xahar sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw il-proċessi meħtieġa u biex ċerti utenti finali jirreġistraw għall-ewwel darba. Il-proċessi tar-reġistrazzjoni għall-utenti kollha saru iżjed rigorużi, u issa r-reġistrazzjoni tista’ tiġi rifjutata jekk l-informazzjoni pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti titqies li mhijiex sodisfaċenti.

3.8

Il-proposta hi akkumpanjata minn memorandum ta’ spjegazzjoni u dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (valutazzjoni tal-impatt). Huwa disponibbli wkoll sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-paġni web rilevanti tad-DĠ ENTR u d-DĠ TAXUD jagħtu sinteżi tal-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-monitoraġġ u l-kontroll tal-prekursuri tad-droga fi ħdan l-UE u bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u jipprovdu links għad-dokumenti relatati kollha kif ukoll għall-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati.

3.9

Ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-waqfien u s-sekwestri tal-prekursuri tad-droga kkompilati mid-data pprovduta mill-Istati Membri għas-snin 2006-2010 jipprovdu l-motivazzjoni għall-proposti attwali u jintwerew fuq il-websajts. Preżentazzjoni mid-DĠ ENTR nhar is-16 ta’ Ottubru 2012 lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali tat aktar sfond. Kienet ipprovduta – taħt sezzjoni separata – kopja tal-“Linji Gwida għall-Operaturi”, ippubblikati b’mod konġunt mid-DĠ ENTR u d-DĠ TAXUD biex jitqassmu mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali esklużivament lil kumpaniji fdati involuti fi tranżazzjonijiet legali fit-tul ta’ sustanzi skedati u mhux skedati.

3.10

Rapporti oħrajn, pereżempju dak maħruġ mill-INCB fl-2011, ir-“Rapport dwar il-prekursuri u l-kimiċi li ta’ spiss jintużaw fil-manifattura illeċita tad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi” u r-“Rapport Strateġiku dwar il-Kontroll Internazzjonali tan-Narkotiċi: Kontrolli Kimiċi” maħruġ mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fl-2012, jipprovdu ħarsa ġenerali esterna u aktar globali. Issa huwa aċċettat, pereżempju, li l-Afganistan m’għandu l-ebda domanda leġittima għall-anidride aċetiku u li għalhekk l-importazzjonijiet huma kollha illeċiti. Il-forzi tal-koalizzjoni huma rrapportati li ssekwestraw madwar 20 tunnellata tat-total ferm akbar importat fl-2011. Is-sorsi illeċiti primarji jingħad li huma ċ-Ċina, il-Korea t’Isfel, l-Ewropa, l-Istati tal-Asja Ċentrali u l-Indja. Jidher biċ-ċar li l-ħidma fuq dan għadha fis-seħħ u l-kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib u l-fiduċja reċiproka miksuba b’diffikultà jibqgħu essenzjali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE ħareġ l-Opinjoni tiegħu dwar COM(2002) 494 final fis-26 ta’ Frar 2003 (1), filwaqt li laqa’ bis-sħiħ il-proposti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontrolli proposti dwar il-prekursuri tad-droga. Dan kien ġie nnotat b’mod adatt fil-verżjoni finali, ippubblikata bħala r-Regolament (KE) 273/2004, fi Frar 2004 (2).

4.2

Il-KESE jappoġġja wkoll bis-sħiħ sforzi biex jitnaqqas l-użu tad-droga fi ħdan u barra l-UE, kif stqarr biċ-ċar fl-Opinjoni tiegħu ta’ Mejju 2012 bħala risposta għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi” (3). Din enfasizzat il-bżonn li jinżamm approċċ ibbilanċjat kemm għall-provvista kif ukoll għad-domanda. It-tnaqqis fil-provvista, li jista’ jkun temporanju, irid ikun sostnut minn politiki sodi, effettivi u mmirati tajjeb fil-qasam tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali (Artikolu 168(1) tat-TFUE). Il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri ser ikunu essenzjali. Il-politiki għandhom jissejsu fuq id-data u l-evidenza – u mhux bil-kontra.

4.3

Il-KESE għalhekk jappoġġja bis-sħiħ il-proposta attwali biex isiru aktar stretti l-monitoraġġ u l-kontroll tal-kummerċ fl-anidride aċetiku bejn in-negozji ġewwa l-UE u biex jiġu implimentati miżuri addizzjonali li jgħinu l-monitoraġġ u l-kontroll tal-prekursuri tad-droga b’mod ġenerali, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ bażi ta’ data Ewropea ta’ operaturi u utenti finali bil-liċenzja jew reġistrati u tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-waqfien u s-sekwestri tas-sustanzi li ġew dirottati għall-użu illeċitu, b’mod partikolari l-manifattura ta’ drogi narkotiċi u psikotropiċi, normalment barra mill-UE. Id-dirottament ta’ kwantitajiet żgħar ta’ anidride aċetiku għall-manifattura tal-eroina huwa ta’ tħassib partikolari.

4.4

Il-KESE jifraħ ukoll lill-Kummissjoni u dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti u fir-reviżjonijiet u l-proċess ta’ konsultazzjoni li ġew wara, għall-kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-produtturi, it-trasportaturi u l-utenti finali, kif meħtieġ taħt l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988. Dan wassal għal sett ta’ proposti ffukati sew, informati sew, iddokumentati sew u kosteffikaċi, appoġġjati b’mod ċar, u għalhekk aktarx li jkunu implimentati bis-sħiħ, minn dawk kollha direttament affettwati.

4.5

Din il-kooperazzjoni diġà wasslet għal tnaqqis drastiku fil-kwantitajiet ta’ prekursuri tad-droga mwaqqfa jew issekwestrati fi ħdan l-UE – ħaġa li nisperaw tindika li l-UE m’għadhiex titqies bħala mira faċli. Il-monitoraġġ volontarju ta’ sustanzi mhux skedati huwa rrapportat li kien partikolarment effettiv. Il-flessibbiltà li biha tiġi ttrattata l-imġiba kriminali innovattiva, persistenti u profittabbli ħafna hija essenzjali. F’dan il-qasam tal-anqas, kulħadd għandu l-istess objettiv. Dan huwa rikonoxxut b’mod sħiħ minn dawk kollha kkonċernati – u jista’ forsi jservi bħala mudell għal-leġislazzjoni kosteffikaċi tal-UE f’oqsma oħra, b’impatti aktar wisgħin fuq in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi.

4.6

Il-leġislazzjoni taħdem ukoll għaliex il-produtturi, id-distributuri u l-utenti finali affettwati huma diġà soġġetti għall-implimentazzjoni u diġà għandhom l-esperjenza ta’ firxa ta’ kontrolli simili għall-materjali radjuattivi, aġenti bijoloġiċi, kimiċi b’użu doppju u esportazzjonijiet li jirrikjedu kunsens informat minn qabel, eċċ. Ser tiġi introdotta dalwaqt leġislazzjoni ġdida dwar il-prekursuri tal-isplużivi. Dan madankollu jirrikjedi li l-mudell globali ta’ dawn ir-rekwiżiti jibqa’ l-istess u li l-lista ta’ sustanzi li jirrikjedu reġistrazzjoni jew liċenzja tinżamm fil-livell minimu meħtieġ. Il-proposta attwali għalhekk aktarx li tkun effettiva, tal-anqas fi ħdan l-objettiv – pjuttost definit strettament iżżejjed– li tnaqqas saħansitra iżjed kwalunkwe dirottament lejn l-użu illeċitu tal-anidride aċetiku matul il-kummerċ legali kontinwu fi ħdan l-UE; hemm ċans li alternattivi oħrajn li huma anqas iffokati jew ta’ aktar piż ifallu.

4.7

Il-KESE jaqbel ukoll mal-Kummissjoni li din il-proposta ma taffettwax il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija jew id-drittijiet tal-konsumatur b’mod ġenerali, ħlief sa fejn dawn bħala individwi jappoġġjaw tnaqqis fid-disponibbiltà tal-eroina u l-prodotti relatati fi ħdan jew barra l-Ewropa. Sfortunatament, dan ser ikun diffiċli li jitkejjel, jekk fil-fatt iseħħ xi tnaqqis bħal dan. Din il-proposta madankollu ma tiddependix minn tali bilanċjar bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji u għalhekk għandha tiġi implimentata f’din il-forma u malajr kemm jista’ jkun.

4.8

Fl-aħħar nett, il-KESE huwa ħerqan li jikkontribwixxi biex ikun hemm iżjed inizjattivi tal-UE f’dan il-qasam, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq mill-iżjed fis proposti ġodda ppjanati, b’mod partikolari dwar sustanzi psikotropiċi u “designer drugs” purament sintetiċi li attwalment qed jissostitwixxu b’rata mgħaġġla d-drogi tradizzjonali bħall-eroina, kif ukoll qed jestendu s-suq b’mod ġenerali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jinnota li jista’ jiftiehem li d-definizzjonijiet ta’ “operatur” u “utent” issa jirkbu fuq xulxin (peress li l-“operaturi” affettwati kollha xi darba ser “ikollhom fil-pussess tagħhom sustanzi skedati”). Peress li hemm bżonn ċar li ssir distinzjoni bejn it-tnejn, dan jista’ jsir billi tiddaħħal il-frażi “li mhijiex operatur iżda” wara “persuna ġuridika” fl-ewwel linja tal-punt il-ġdid (h) tal-Artikolu 2.

5.2

Huwa wkoll importanti li jiġi stabbilit li dan jirreferi b’mod speċifiku għall-utenti inkorporati u li joperaw fl-UE. Il-bejgħ u/jew il-konsenji lill-utenti barra mill-UE huma koperti permezz ta’ leġislazzjoni separata. Sabiex ikun żgurat funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern għandu wkoll jiġi ċċarat bejn l-Istati Membri fejn hija meħtieġa r-reġistrazzjoni tal-operaturi u tal-utenti, pereżempju fejn l-operatur jew l-utent huwa stabbilit, jew fejn il-prodott (l-anidride aċetiku) jitqiegħed fis-suq.

5.3

Ir-rekwiżit li l-utenti finali jirreġistraw għall-ewwel darba jista’ jwassal għal interruzzjonijiet fuq perjodu qasir ta’ żmien tal-kummerċ leġittimu. Dawn jistgħu jiġu minimizzati permezz ta’ komunikazzjoni proattiva matul it-18-il xahar previsti għal din it-tranżizzjoni mill-operaturi u d-distributuri, preferibbilment abbażi ta’ noti ta’ gwida ċari u fformulati b’mod adatt maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Il-“Linji Gwida għall-Operaturi” eżistenti jipprovdu mudell eċċellenti għal tali komunikazzjoni. L-għan u l-benefiċċji tar-reġistrazzjoni għandhom jiġu ċċarati fil-mument tar-reġistrazzjoni sabiex l-utenti finali, kif ukoll l-operaturi, isiru konxji tal-possibbiltà u r-riskji tad-dirottament, u b’hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu biex inaqqsuhom kemm jista’ jkun. L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom l-istess drittijiet ta’ aċċess għall-post tan-negozju kemm tal-utenti finali kif ukoll tal-operaturi.

5.4

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-mikrointrapriżi għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe rekwiżit biex iħallsu l-miżati għar-reġistrazzjoni peress li huwa kruċjali li mhux biss dan il-kummerċ leġittimu jkompli (għall-finijiet tal-mikronegozji u dawk impjegati fihom) iżda li l-kontrolli jinftiehmu u jiġu implimentati b’mod mifrux kemm jista’ jkun. Peress li l-kwantitajiet meħtieġa għall-użu illeċitu huma relattivament żgħar, l-utenti iżgħar huma probabbilment l-aktar fir-riskju ta’ offerti li huma jħossu li ma jistgħux jitilfu. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żviluppata komunikazzjoni tajba biex tiġi appoġġjata l-konformità, f’forma stampata u elettronika, bil-lingwi lokali rilevanti kollha.

5.5

Il-KESE jinnota li r-rapportar u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni oħra għal sustanzi mhux skedati jirriflettu n-natura volontarja tiegħu, jiġifieri, l-Istati Membri “jistgħu” aktar milli “għandhom” isegwu l-proċeduri proposti. Huwa ċar li dan mhuwiex ideali għall-ħarsien tas-suq intern – iżda jista’ jkun preferibbli milli jiżdiedu saħansitra aktar sustanzi mal-lista ta’ prekursuri ta’ prijorità li huma diġà identifikati. Din is-sitwazzjoni għalhekk għandha tiġi ssorveljata b’attenzjoni kbira minn dawk kollha kkonċernati.

5.6

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Bażi tad-Data Ewropea proposta, il-KESE jilqa’ l-proposta u jinkoraġġixxi bis-sħiħ li din tibqa’ għaddejja, soġġetta biss għal riserva li għandu jkollha biżżejjed riżorsi għal aġġornament fuq perjodu itwal u użu mill-partijiet kollha kkonċernati u mfassla biex tipproduċi r-riżultati, mhux biss takkumula data antika jew parzjali. Il-kwalità u l-kwantità tad-data miġbura ser tkun daqstant importanti. L-appoġġ kontinwu tal-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-Istati Membri ser ikun kruċjali f’dan ir-rigward.

5.7

Naturalment, l-aċċess għad-data għandu jkun ristrett għal dawk li huma impenjati b’mod ferm u permanenti fil-kummerċ leġittimu – preżumabbilment dawk irreġistrati fil-bażi tad-data. Ir-rekwiżiti tal-input għall-operaturi, id-distributuri, il-kummerċjanti u l-utenti finali, kif ukoll għall-Istati Membri għandhom, fejn huwa possibbli, ikunu armonizzati sabiex is-suq intern jinżamm u l-ispejjeż jitnaqqsu. Madankollu, dan m’għandux jidħol f’kunflitt mal-objettiv primarju ta’ din il-proposta, li jiġi identifikat u ristrett id-dirottament illeċitu tal-prekursuri tad-droga u li, wieħed jittama, jinqabdu dawk responsabbli.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 95, 23.4.2003, p. 6 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM(2011) 689 final, Opinjoni tal-KESE: ĠU C 229, 31.7.2012, p. 85.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa”

COM(2012) 529 final

2013/C 76/11

Relatur: is-Sur PIGAL

Nhar l-14 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa

COM(2012) 529 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Diċembru 2012.

Matul il-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-16 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 158 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jara opportunità ta’ tkabbir u ta’ kompetittività għall-Ewropa fil-Cloud Computing (CC) u permezz ta’ din l-Opinjoni jixtieq jipproponi viżjoni differenti u komplementari għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra sew din il-proposta u tirranġa l-istrateġija tagħha tal-CC b’mod adatt.

1.2

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat l-użu tas-CC fl-Ewropa sabiex l-ekonomija tagħha ssir aktar dinamika, bi prestazzjoni aħjar u innovattiva. Għalhekk huwa jappoġġja t-tliet miżuri proposti mill-Kummissjoni:

jinġieb ordni fil-konfużjoni tal-istandards tekniċi u jiġu appoġġjati s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni;

jitfasslu kundizzjonijiet kuntrattwali “siguri u ġusti” għall-kuntratti tal-CC;

tinħoloq sħubija Ewropea li tgħaqqad lill-Istati Membri u lill-intrapriżi biex jiżviluppaw setturi pubbliċi li jużaw il-CC.

1.3

L-użu tal-Cloud Computing isaħħaħ l-ħtieġa li ċ-ċittadini, l-informazzjoni dwarhom u l-privatezza tagħhom jiġu mħarsa. Għaldaqstant il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli f’din it-triq speċjalment permezz tal-kooperazzoni internazzjonali u bit-tisħiħ ta’ qafas regolatorju għal:

ħarsien tal-informazzjoni u l-privatezza;

l-aċċess għall-informazzjoni mill-gvernijiet;

il-kontroll tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti bejn l-utenti u l-provvedituri;

il-possibbiltà ta’ ġarr u ta’ interoperabbiltà.

Il-Kumitat ifakkar ukoll li dawn l-isforzi ta’ ħarsien ikunu l-aktar effikaċi fil-każ ta’ informazzjoni maħżuna minn provvedituri tal-CC fit-territorju Ewropew.

1.4

B’mod parallel u komplementari għall-użu faċilitat tal-CC, u abbażi tas-suċċess li kellhom l-Istati Uniti fir-rigward tal-CC, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tippromovi l-ħolqien ta’ produzzjoni Ewropea tal-enerġija diġitali, fi kliem ieħor l-iżvilupp u r-rinfurzar tal-fornituri Ewropej tal-infrastruttura tal-CC (IaaS: Infrastructure as a Service).

Għal dan jistgħu jiġu previsti diversi modi:

l-atturi Ewropej jiġu mħeġġa jieħdu inizjattiva u jinvestu f’dawn il-proġetti ta’ produzzjoni ta’ enerġija diġitali. L-intrapriżi mmirati jistgħu jkunu b’mod partikolari l-operaturi tat-telekomunikazzjoni, l-edituri tal-programmi, eċċ;

it-tisħiħ tal-allokazzjonijiet tal-fondi strutturali jew il-promozzjoni tal-użu tas-sussidji bil-għan li jissaħħa il-ħolqien ta’ ċentri tad-data tal-CC ġestiti u operati minn atturi Ewropej; il-finanzjament Ewropew tal-broadband jista’ jservi ta’ mudell għall-finanzjament tal-CC;

it-tnedija ta’ proġetti Ewropej li abbażi tagħhom il-konsorzji Ewropej jistgħu jipproponu offerti kompetittivi u b’hekk isaħħu l-attivitajiet, is-servizzi u l-prodotti tagħhom.

L-għan hu li naprofittaw mill-kundizzjonijiet favorevoli (il-ħarsien b’saħħtu tad-data fl-Ewropa, il-biżgħat tal-utenti fir-rigward ta’ fornituri ’l bogħod wisq, il-bżonn ta’ garanziji sodi ta’ sigurtà, eċċ.) sabiex jiġu stabbiliti fornituri tal-CC Ewropej, kemm lokali, nazzjonali (Sovereign Cloud), kif ukoll transkonfinali (konsorzji f’diversi Stati Membri).

1.5

Ir-ristrutturar marbut mal-“cloudification” tas-servizzi tal-informatika, it-telf tal-impjiegi, id-delokalizzazzjonijiet, il-virtwalizzazzjoni u d-distanza bejn l-utenti u dawk fil-qasam tal-informatika huma wkoll aspetti negattivi li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. Madankollu, mhemmx referenza għal dan l-impatt soċjali fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qed tibbaża fuq il-perspettivi ta’ ċentru ta’ analiżi biex tħabbar li l-CC jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ 2,5 miljun impjieg. Il-Kumitat jistaqsi jekk dawn iċ-ċifri jistgħux jinkisbu u jekk humiex maqtugħin mir-realtà tal-qasam tal-informazzjoni.

1.6

Minbarra s-Sħubija Ewropea tal-CC, il-Kummissjoni għandha tibda tiżviluppa mill-aktar fis “ test tat-tip ta’ Politika Cloud First ” (ispirat minn dawk tal-Istati Uniti jew tan-New Zealand) sabiex tippromovi l-użu tal-CC fost l-amministrazzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri. L-għan hu li jitneħħew l-ostakli kulturali jew il-biżgħat individwali, u naturalment jittieħdu l-benefiċċji mill-flessibbiltà akbar tas-servizzi, iżda wkoll mit-tnaqqis konsiderevoli tal-ispejjeż marbutin mal-CC.

Naturalment, il-Kumitat jinsisti li f’din il-“Politika Cloud First” il-Kummissjoni tinkludi salvagwardji għall-użu tal-CC fis-servizzi pubbliċi u ċerti setturi privati sensittivi sabiex tikkontrolla, u saħansitra timpedixxi, il-hosting tiegħu minn fornituri soġġetti għal regoli nazzjonali riskjużi; pereżempju il-“ Patriot Act ” għall-fornituri tal-Amerika ta’ Fuq, anke meta jkunu stabbiliti fl-Ewropa.

1.7

Waħda mid-diffikultajiet u biżgħat ewlenin tal-utenti (individwali jew intrapriżi) rigward il-CC hija l-ġestjoni tal-kunflitti ma’ fornituri lil hinn mill-fruntieri tagħhom.

Ispirat mill-kummerċ elettroniku, globalizzat u internazzjonali bħall-CC, il-Kumitat, li ħareġ opinjoni dwar is-suġġett, (1) jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-ODR(Online Dispute Resolution) bħala soluzzjoni possibbli biex, permezz tal-medjazzjoni, issolvi l-parti l-kbira tal-kunflitti, b’mod partikolari dawk li jinvolvu diversi ġurisdizzjonijiet. Din il-medjazzjoni, li trid tkun indipendenti u imparzjali, tista’ titħalla f’idejn aġenzija Ewropea eżistenti jew ġdida. L-aġenzija tista’ tkun inkarigata mill-moderazzjoni u n-negozjati bejn il-fornituri u l-utenti tal-CC. Barra minn hekk, din l-attività ta’ medjazzjoni tista’ tippermetti li jiġu identifikati l-kawżi prinċipali tal-kunflitti, in-nuqqasijiet rikorrenti u l-ħtiġijiet ta’ aġġustament tal-prattiki jew ir-regolamenti.

1.8

Għalkemm id-diversi interventi (il-konferenzi, l-istampa, eċċ.) tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni kkonfermaw ir-rieda tagħhom li jappoġġjaw il-Komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-utenti potenzjali tal-CC, il-Komunikazzjoni ma tipproponix miżuri konkreti u kkwantifikati.

Il-Kumitat għalhekk jistenna li l-Kummissjoni tikkompleta l-Komunikazzjoni tagħha b’mod partikolari b’inizjattivi li bħala prijorità jimmiraw lejn l-utenti l-anqas sensibilizzati fir-rigward tal-CC; jiġifieri:

l-edukazzjoni tal-utenti individwali fir-rigward tal-protezzjoni u l-prekawzjonijiet fl-użu tal-CC; kundizzjonijiet ġenerali jew kuntratti, il-protezzjoni tal-ħajja privata, eċċ.;

is-sensibilizzazzjoni tal-SMEs dwar il-benefiċċji li dawn jistgħu jistennew mill-CC; it-tnaqqis tal-ispejjeż, il-flessibbiltà u d-dinamiżmu fl-iżvilupp informatiku, eċċ.

1.9

Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni żżid mal-Komunikazzjoni t-tfassil ta’ standards dwar il-konsum tal-enerġija taċ-ċentri ta’ servers speċjalizzati fil-CC.

1.10

Fir-rigward tal-azzjonijiet li l-Kummissjoni tipproponi li twettaq, il-Kumitat jissuġġerixxi li tiġi stabbilita aġenda preċiża u li jiġu ppjanati b’mod preċiż u espliċitu d-dati u r-rapporti tal-progress għal kull qasam previst.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Mill-ġdid, il-CC jista’ jiġi spjegat bil-frażi introduttorja tal-Komunikazzjoni:

“Fi kliem sempliċi l-‘cloud computing’ huwa l-ħżin, l-ipproċessar u l-użu ta’ dejta fuq kompjuters remoti [mingħajr ma wieħed ikun jaf preċiżament fejn jinsabu] u li wieħed jista’ jaċċessahom permezz tal-internet”.

Barra minn hekk, fl-2012 il-Kumitat fassal Opinjoni li tikkonċerna esklużivament il-CC (2). Il-ħidmiet tan-National Institute of Standards and Technology (NIST), il-Parlament Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma wkoll interessanti.

Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ doklumenti (il-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni tikkonċerna esklużivament l-ewwel dokument):

Komunikazzjoni (“il-Komunikazzjoni”) li tippreżenta l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) fil-qasam tal-CC;

dokument ta’ valutazzjoni tal-impatt.

2.2

Il-Kummissjoni tipproponi tliet “azzjonijiet ewlenin” biex jitħeġġeġ l-użu tal-CC fl-Ewropa:

jinġieb ordni fil-konfużjoni tal-istandards tekniċi u jiġu appoġġjati s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE għal dawk li jipprovdu servizzi affidabbli tal-CC;

jitħejjew il-kundizzjonijiet kuntrattwali “siguri u ġusti” għall-kuntratti tal-CC, b’mod partikolari għall-ftehimiet dwar il-livelli tas-servizz;

tinħoloq sħubija Ewropea favur il-qasam tal-informatika fil-CC li tinvolvi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw, flimkien, setturi pubbliċi bbażati fuq il-CC.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jipproponi viżjoni ġdida tal-CC, murija permezz tal-kunċett ta’ “enerġija diġitali” li għandu t-tendenza li jkun ġeneralizzat biex tiġi evokata l-kapaċità informatika (il-ħżin, it-trattament, it-trasferiment tal-informazzjoni) ipprovduta mill-CC.

L-enerġija diġitali hija disponibbli mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li (għall-konsumaturi) jkun magħruf il-mod ta’ produzzjoni, jiġifieri ċ-ċentru tad-data, fejn jinsab, it-teknoloġiji użati, eċċ. Ħarġet fid-dieher ukoll frammentazzjoni ġdida tas-suq: flimkien mal-utenti u l-fornituri tas-servizzi issa żdiedu l-produtturi tal-enerġija diġitali, li jistgħu jwettqu investiment kbar (f’biljuni ta’ dollari) biex jiġu implimentati ċentri tal-CC.

3.2

L-enerġija diġitali qed issir sfida ekonomika u strateġika bħall-forom l-oħra tal-enerġija (fossili, elettriċi, eċċ.).

L-ewwel nett, il-kontroll ta’ din l-enerġija (kemm għall-produzzjoni kif ukoll għad-distribuzzjoni) huwa l-bażi tal-potenzjal tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi kif previst fl-Aġenda Diġitali. Barra minn hekk, ir-rwol attiv fil-produzzjoni tal-enerġija diġitali huwa meħtieġ biex l-Ewropa u l-Istati Membri tagħha jkunu żgurati indipendenza u awtosuffiċjenza strateġiċi (tal-anqas parzjali).

3.3

L-iżvilupp tal-CC fl-Ewropa għalhekk isir permezz tal-kontroll tal-katina tal-valur kollha tal-enerġija diġitali (użu, servizzi u produzzjoni) kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt;

Livell ta’ żvilupp

Deskrizzjoni

Għanijiet politiċi

Deskrizzjoni

Użu

L-individwi, l-intrapriżi u s-servizzi pubbliċi qed jużaw dejjem aktar is-soluzzjonijiet tal-CC.

Cloud Friendly

L-Ewropa sempliċement tuża l-enerġija diġitali prodotta/żviluppata lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

Servizzi

L-iżvilupp ta’ ekosistema ġdida tal-CC speċjalizzata fl-iżvilupp tas-softwer ibbażat fuq l-infrastruttura tal-CC.

Cloud Active (3)

L-Ewropa mhijiex biss utent tal-enerġija diġitali iżda wkoll attiva fiha, permezz tal-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda.

Produzzjoni

Il-kapaċità tal-computing hija disponibbli għall-fornituri tas-servizz u l-utenti (jiġifieri “server farms” enormi għall-infrastruttura tal-CC).

Cloud Productive (4)

L-Ewropa mhijiex attiva biss fis-servizzi iżda wkoll fl-industrija diġitali, tipproduċi enerġija diġitali biex tkun indipendenti u awtosuffiċjenti.

L-aħħar għexieren ta’ snin jippermettu li tiġi kkalkolata l-importanza tad-dipendenza tal-Istati Membri jew saħansitra taż-żona tal-Ewropa fir-rigward tas-sorsi differenti tal-enerġija: iż-żejt, il-gass, l-elettriku, eċċ. Jekk fil-futur l-informazzjoni taċ-ċittadini, tal-intrapriżi u tas-servizzi pubbliċi Ewropej ikollha tinħażen, tiġi ġestita u kkontrollata minn atturi mhux Ewropej fil-qasam tal-CC, inkunu nistgħu nistaqsu b’mod leġittimu dwar l-effetti ta’ tali dipendenza:

il-protezzjoni tal-aktar informazzjoni sensittiva jekk din tkun fil-qalba ta’ kompetizzjoni strateġika bejn pajjiżi mhux Ewropej u Ewropej; pereżempju fil-qasam tal-ajrunawtika, il-karozzi, il-farmaċija, ir-riċerka, eċċ.;

id-disponibbiltà tal-informazzjoni f’każ ta’ tensjonijiet internazzjonali bejn pajjiżi “ospitanti” u Stati Membri;

l-ugwaljanza fit-trattament tal-konsumaturi tal-enerġija diġitali skont humiex ċittadini jew organizzazzjonijiet ta’ pajjiż “ħabib” jew le;

il-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ rikkezzi permezz tal-produzzjoni tal-enerġija diġitali, iżda wkoll permezz tal-ekosistema kollha tal-iżvilupp tas-servizzi, fil-pajjiżi ospitanti; u dan għad-detriment tal-pajjiżi li huma biss utenti u “cloud friendly”.

3.4

Madankollu, l-Ewropa diġà hija dipendenti ħafna mill-fornituri mhux Ewropej għall-provvista ta’ ħardwer, ta’ softwer u ta’ netwerks informatiċi. L-istilel tan-netwerks soċjali ġejjin mill-Istati Uniti. Il-magni tat-tiftix l-aktar popolari huma kkontrollati minn kumpaniji bbażati kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fiċ-Ċina. L-iżviluppi tal-IT qed isiru aktar u aktar esternalizzati fl-Indja jew pajjiżi oħrajn bi spejjeż baxxi.

Attwalment, il-produzzjoni tal-enerġija diġitali hija kważi kompletament ikkontrollata fil-livell dinji minn oligopolija ta’ produtturi. L-attur primarju Ewropew huwa, skont ċerti studji, OVH (akronimu għal “On Vous Héberge" - www.ovh.com), mingħajr madankollu ma jibbenefika mill-istess viżibbiltà u setgħa dinjija. Tnedew xi inizjattivi minn opertauri fil-qasam tat-telekomunikazzjoni bħal: T-Systems, Telefonica Digital, Cloud Sigma, Numergy/SFR u Cloudwatt/Orange; madankollu, dawn ma kinux f’pożizzjoni li jikkompetu mal-mexxejja tas-suq: Amazon, Microsoft u Google.

3.5

Bħalissa, avolja jeżistu ċerti differenzi bejn ir-regolamenti tal-Istati Membri, dawn għadhom viċin it-testi, l-istandards u d-direttivi Ewropej, u minn hemm tinbet il-biża’, xi kultant leġittima, tal-utenti li l-informazzjoni tagħhom tiġi delokalizzata barra miż-żona tal-Ewropa b’diffikultajiet u ostakli legali f’każ ta’ tilwim.

Barra minn hekk, l-aspett li jikkatalizza l-aktar il-biżgħat tal-utenti huwa l-“Patriot Act”. Stabbilit b’riżultat tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (wara l-attentati fuq it-Twin Towers) dan l-Att jippermetti lill-gvern tal-Istati Uniti jew lil imħallef federali jaċċessa kwalunkwe informazzjoni; is-sid ta’ din l-informazzjoni jista’ jkun Amerikan jew le, l-unika kundizzjoni hi li l-informazzjoni tkun ospitata u kkontrollata minn kumpanija Amerikana; anke jekk id-data tkun ospitata f’ċentru fit-territorju tal-Ewropa. Barra minn hekk, is-sid ta’ din l-informazzjoni ma jistax jiġi infurmat jekk min qed jospita l-informazzjoni tiegħu żvelax id-data ospitata.

3.6

Ekonomikament, skont il-Kummissjoni, is-settur għandu, jippermetti li jinħolqu 2,5 miljun impjieg ġdid għat-tmien snin li ġejjin fl-Ewropa u jikkontribwixxi sa EUR 160 biljun fis-sena għall-PDG tal-Unjoni Ewropea (madwar 1 %).

Il-Kumitat għandu jistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ dawn l-objettivi kwantifikati. Fil-fatt, analiżi ddettaljata tal-impatt tal-CC fuq il-qasam juri li:

is-servizzi operattivi ser ikunu “mutwalizzati” bejn il-klijenti tal-CC, billi jkunu akkumpanjati naturalment minn tnaqqis fl-impjegati, kif ukoll minn delokalizzazzjoni;

il-CC jippromovi l-użu ta’ softwer standard (SaaS) għad-detriment ta’ żviluppi aktar speċifiċi li jirrikjedu wkoll aktar żviluppaturi. Għalhekk, hawnhekk ukoll, huwa previst telf ta’ impjiegi.

Madankollu, fil-Komunikazzjoni, l-impatt soċjali deskritt hawn fuq mhuwiex imsemmi u lanqas ikkunsidrat; daqs kemm mhumiex ikkunsidrati r-ristrutturazzjonijiet marbutin mal-“cloudification” tas-servizzi tal-informatika, it-telf tal-impjiegi, id-delokalizzazzjonijiet, il-virtwalizzazzjoni u d-distanza tal-utenti u tal-ispeċjalisti tal-IT.

3.7

L-użu tal-CC waħdu diġà jippermetti frankar ta’ enerġija għall-apparat informatiku. B’mod parallel, il-fornituri l-kbar tal-CC (spazju tal-ħżin u servizzi assoċjati) għandhom server farms li l-maġġoranza tagħhom jużaw proċessuri li għandhom konsum ta’ 100 W/h għal kull unità, u li jistgħu jinqasmu f’10 fuq perjodu qasir jew medju. Ċerti manifatturi ta’ mikroproċessuri joffru proċessuri rħas, li jarmu inqas sħana (problema kbira għall-klimatizzazzjoni tal-kmamar tas-servers) u li jikkunsmaw anqas enerġija.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Il-Kummissjoni tinteressa ruħa b’mod prinċipali fil-Cloud pubbliku mingħajr ma tikkunsidra s-suq tal-Cloud privat. Madankollu, dan huwa approċċ li huwa kkunsidrat affidabbli u xi kultant meħtieġ għall-informazzjoni kritika qabel ma ssir tranżizzjoni lejn il-Cloud pubbliku.

Ta’ min jinnota li bil-Cloud pubbliku wieħed għandu jifhem “Cloud disponibbli pubblikament” u mhux “Cloud għas-servizzi pubbliċi”.

4.2

Fil-paragrafu introduttorju, jissemma li t-teknoloġija Cloud tista’ ġġib magħha riskji supplementari, ħaġa li ma tirriflettix neċessarjament ir-realtà; fil-fatt, il-Cloud iġib miegħu ċertament riskji ġodda, iżda jelimina wkoll uħud oħra.

4.3

Ċerti termini anglofoniċi bħal “cloud-friendly” jew “cloud-active” ma jiġux tradotti faċilment f’lingwi oħra; f’ċerti każi, it-traduzzjoni tal-Komunikazzjoni għawġet għalkollox il-kliem tal-verżjoni oriġinali.

Pereżempju f’punti 3.1 u 3.2 “cloud-friendly” u “cloud-active” ġew tradotti (f’ċerti lingwi) b’mod identiku filwaqt li jirriflettu objettivi differenti.

5.   L-analiżi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

5.1

Il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi żviluppat l-użu tal-Cloud għandhom bħala għanijiet:

it-titjib tal-kuntratti li jorbtu lill-konsumaturi u l-fornituri tal-enerġija diġitali; għandhom jiġu imposti (jew impediti) ċerti klawżoli sabiex jitħarsu aħjar l-utenti individwali jew l-intrapriżi ż-għar meta jiġu kkonfrontati bil-poter ta’ wħud mill-produtturi;

l-iżvilupp ta’ standards koerenti u rikonoxxuti minn kulħadd, li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, kif ukoll il-portabbiltà, bejn żewġ pjattaformi tal-Cloud;

id-definizzjoni ta’ Suq Uniku Ewropew tal-CC li jiddependi minn qafas legali koerenti, jekk jista’ jkun uniku bejn l-Istati Membri.

Dawn il-proposti kollha huma konkreti, realistiċi u meħtieġa; b’hekk huma appoġġjati bis-sħiħ mill-Kumitat. Madankollu, jinnota li l-ewwel żewġ proposti ma jikkonċernawx id-diffikultajiet proprji tal-Ewropa. Għalhekk għandu jkun mistenni li l-Kummissjoni, permezz tal-Komunikazzjoni tagħha, tittratta bi prijorità d-diffikultajiet speċifikament Ewropej.

5.2

Il-Kumitat jibqa’ wkoll marbut mal-objettivi fundamentali tal-Aġenda Diġitali, b’mod partikolari:

li l-Ewropa, l-Istati Membri tagħha u l-atturi ekonomiċi tagħha jitqiegħdu f’pożizzjoni ta’ mexxejja tas-setturi tal-IT u tat-telekomunikazzjoni;

li tinkiseb ċerta indipendenza meta mqabbla ma’ żoni ekonomiċi oħra li huma attwalment mexxejja jew li qed jiżviluppaw;

u l-aktar, il-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ rikkezzi fi ħdan l-Ewropa.

5.3

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-“użu” tal-CC, it-taqsima 3.1 issemmi darbtejn it-terminu bl-Ingliż “cloud-friendly” bħala objettiv li jrid jintlaħaq. Madankollu, il-Kummissarju responsabbli għall-Aġenda Diġitali fid-diversi interventi tagħha biex tappoġġja l-CC tiddefendi l-objettiv li l-Ewropa ssir “cloud-active”.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Neelie Kroes, stqarret dan li ġej f’Davos (27/1/2011), “Irrid nagħmel l-Ewropa mhux biss “cloud friendly” iżda wkoll “cloud active”” u ħabbret uffiċjalment il-Komunikazzjoni permezz ta’ artikolu fuq il-blogg tagħha “Nagħmlu l-Ewropa cloud active” (27/9/2012). Il-livell ta’ żvilupp difiż minn dawn l-interventi għalhekk huwa aktar ambizzjuż milli l-“cloud friendly” waħdu.

Il-Kumitat huwa sorpriż bid-differenza bejn l-objettivi leġittimament difiżi mill-Viċi President tal-Kummissjoni u r-realtà tal-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, ifakkar li f’Opinjoni preċedenti (5), huwa kien ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmira lejn livell aktar ambizzjuż minn “cloud active” għall-Ewropa, billi ppropona li tkun “cloud productive”.

5.4

Il-Komunikazzjoni ma tipproponix il-ħolqien ta’ attur Ewropew, “Super-Cloud Ewropea” għall-produzzjoni ta’ enerġija diġitali. Meta titqies il-missjoni tad-DĠ Connect, id-diffikultà tal-ħolqien ta’ tali “ġgant”, nistgħu nifhmu u anke nappoġġjaw din il-pożizzjoni. Barra minn hekk, l-atturi differenti miġbura fis-settur (operaturi tat-telekomunikazzjoni, edituri tal-programmi, integraturi tas-sistemi, eċċ.) ilkoll jaqblu dwar it-tisħiħ ta’ din il-pożizzjoni.

Bejn “ġgant” irreali Ewropew u “mikro Clouds” Ewropej limitati għas-swieq speċjalizzati minħabba s-setgħa tal-marketing, kummerċjali u finanzjarja tal-atturi globali u mhux Ewropej, teżisti triq Ewropea ġusta!

L-għan tal-proposta tal-Kumitat huwa l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ atturi Ewropej ewlenin responsabbli miċ-ċentri l-kbar tal-CC, l-industrija diġitali futura Ewropea! Dawn l-atturi jistgħu jkunu lokali, nazzjonali (Sovereign Cloud) jew transkonfinali (konsorzji f’diversi Stati Membri).

5.5

Il-Kumitat jinnota wkoll li, mingħajr mhuma tal-istess daqs tal-mexxejja tas-suq, l-atturi tal-CC Ewropej jibbenefikaw minn bosta vantaġġi kompetittivi:

il-klijenti tal-CC għadhom estremament prudenti u jippreferu fornitur tal-CC fil-viċin, jekk jista’ jkun nazzjonali jew saħansitra reġjonali, anke jekk din il-prudenza ma tippermettix li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-CC jiġi ottimizzat;

ir-regolamenti dwar il-ħarsien tad-data fl-Ewropa u fl-Istati Membri tibqa’ kumplessa għall-utenti u tiffavorixxi l-għażla ta’ fornitur tal-CC nazzjonali;

ir-regolamenti internazzjonali, li taħthom jaqgħu l-fornituri ta’ pajjiżi oħrajn mhux Ewropej, bħalissa mhumiex adegwati għall-CC, l-eżempju l-aktar magħruf huwa l-Patriot Act fl-Istati Uniti.

Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta’ atturi Ewropej mhux ser idumu ħafna. Għalhekk huwa importanti u urġenti li l-Kummissjoni taġixxi għall-iżvilupp ta’ atturi Ewropej f’dan il-perjodu li għadu favorevoli.

5.6

Fit-tieni taqsima tal-Komunikazzjoni jintqal li “dan ifisser li x’aktarx sforzi magħmula fuq bażi individwali f’livell nazzjonali ma rnexxilhomx ikunu tant kosteffiċjenti”. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa’ teżamina l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tas-Sovereign Cloud.

Minn naħa, din id-dikjarazzjoni mhija appoġġjata mill-ebda fatt fl-ebda parti tal-Komunikazzjoni jew l-analiżi tal-impatt. Dan huwa pjuttost sorprendenti fid-dawl tal-gravità tad-dikjarazzjoni.

Min-naħa l-oħra, minbarra l-proposta ta’ soluzzjoni alternattiva, li l-anqas mhi fil-Komunikazzjoni, il-punti takritika fir-rigward tas-sovereign clouds jew clouds lokali huma severi u jistgħu jikkompromettu kull soluzzjoni kredibbli għall-ħolqien ta’ offerta tal-CC b’saħħitha, sostenibbli u kompetittiva, fil-konfront ta’ ġganti f’żoni ġeografiċi oħrajn (l-Indja, iċ-Ċina jew l-Istati Uniti).

5.7

L-approċċ propost, permezz tas-Sħubija tal-Cloud Ewropea, huwa wisq iffukat fuq is-settur tas-servizzi pubbliċi li jixtiequ (ara taqsima 3.5) “ il-promozzjoni tar-rwol ewlieni komuni tas-settur pubbliku ”.

Il-Kumitat jagħraf u jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-importanza tas-servizzi pubbliċi fil-mudelli soċjoekonomiċi fl-Ewropa. Għalhekk dawn għandhom rwol x’jaqdu fl-iżvilupp tal-CC.

Madankollu, il-Kumitat jsibha diffiċli jipprevedi li, f’kuntest ġeneralizzat ta’ restrizzjonijiet baġitarji, is-servizzi pubbliċi Ewropej jistgħu jkunu l-muturi tal-innovazzjoni tal-CC. Barra minn hekk, ifakkar li l-aktar suċċessi notevoli Ewropej twettqu mis-settur privat (pereżempju: it-telefonija ċellulari, l-ismart cards) jew minn settur privat li jibbenefika minn appoġġ pubbliku (pereżempju: Airbus, Ariane Espace, eċċ.).

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkun aktar espliċita dwar ir-“rwol ewlieni” previst minn din is-Sħubija.

5.8

L-approċċ propost mill-Kummissjoni huwa inkluż f’mudell bapproċċ minn fuq għal isfel, fi kliem ieħor, li jiffaċilita l-użu, sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp tas-servizzi u jekk jista’ jkun tal-produzzjoni tal-enerġija diġitali.

Il-Kumitat ser jappoġġja bis-sħiħ din iż-żieda progressiva li rriżultat mid-domanda; f’ambjent ġdid għal kull attur dominanti, jew b’bilanċ bejn l-atturi Ewropej u dawk mhux Ewropej. Sfortunatament dan l-ambjent m’għadux jeżisti, u l-atturi prinċipali tal-Cloud mhumiex Ewropej u f’pożizzjoni oligopolistika. L-iżvilupp tal-użu tal-Cloud għalhekk jista’ jkollu effetti kontroproduttivi li jsaħħu aktar il-pożizzjoni ta’ dawn il-mexxejja.

Mingħajr ma jirrifjuta dan l-iżvilupp, il-Kumitat jinsisti li l-Kummissjoni tistabbilixxi “salvagwardji” biex l-azzjonijiet tagħha jkunu ta’ benefiċċju għall-atturi Ewropej u tippermettihom jiżviluppaw fil-konfront tal-pożizzjoni dominanti ta’ atturi mhux Ewropej.

5.9

B’mod parallel u komplementari għall-approċċ minn fuq għal isfel deskritt hawn fuq, il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi azzjonijiet konkreti li jidħlu espliċitament f’approċċ minn isfel għal fuq, jiġifieri, l-inkoraġġiment tal-ħolqien ta’ produtturi tal-CC fil-livell reġjonali, nazzjonali jew transkonfinali sabiex imbagħad jiġi promoss l-iżvilupp tas-servizzi u l-użu tal-CC.

Setturi oħrajn, bħall-karozzi jew it-telefonija ċellulari wrew kemm produzzjoni industrijali b’saħħitha u qawwija fl-Ewropa jista’ jkollha effett ta’ avvanz fl-ogħla livelli (servizzi u użu). Il-miżuri ta’ inkoraġġiment għal dawn is-setturi jistgħu jerġgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija diġitali.

Eżempju ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat huwa dak tal-Istati Uniti. L-iżvilupp tal-CC f’dan il-pajjiż adotta immedjatament approċċ minn isfel għal fuq, bis-suċċess li kulħadd jaf bih!

Għalhekk il-Kumitat għandu juża dan l-eżempju ta’ suċċess ta’ żvilupp tal-Cloud, fuq skala kbira, biex jipproponi lill-Kummissjoni biex tispira ruħha minnu u tipparteċipa biex jinkiseb suċċess simili fl-Ewropa.

5.10

Il-Kummissjoni, bħall-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, tagħmel użu kbir minn riżorsi tal-IT. Madankollu sal-lum, is-soluzzjonijiet żviluppati rari jkunu bbażati fuq il-CC. B’mod parallel, fl-Istati Uniti ġie stabbilit il-“Cloud First Act” li jimponi lill-amministrazzjonijiet ikkonċernati biex jagħżlu bi prijorità approċċ Cloud.

Abbażi ta’ dan is-suċċess, il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni timponi fuqha nnifisha, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra “ Politika Cloud First ”, li b’hekk tippermetti l-iżvilupp ta’ ekosistemà tal-CC Ewropea u tnaqqis sinifikanti fil-baġits operattivi.

5.11

Fil-passat, il-Kummissjoni kienet żviluppat u stabbilixxiet azzjonijiet fil-qasam; b’mod partikolari dan kien il-każ tal-“broadband” u tal-“modernizzazzjoni informatika”. B’mod partikolari dawn kienu jinkludu:

programmi tainformazzjoni u takomunikazzjoni li jimmiraw lejn is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-atturi kkonċernati lokalment;

programmi tażvilupp taproġetti innovattivi li għandhom l-għan li jiżviluppaw ekosistemi lokali, inkluż fir-reġjuni kkunsidrati bħala esklużi mill-innovazzjoni.

sussidji intiżi għall-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, bħall-gvern elettroniku.

Meta jitqies is-suċċess ta’ dawn il-programmi preċedenti, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippjana u tagħmel baġit għal programm simili speċifikament għall-CC.

Il-KESE jitlob li r-reġistri istituzzjonali u sekurizzati jiġu integrati b’mod regolat u gradwali, imma mill-iktar fis possibbli, fl-ambjent tal-cloud computing (CC). B’hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġġestixxu informazzjoni personali tagħhom iktar faċilment (b’konformità mal-liġi Ewropea u dik nazzjonali) u, fl-istess ħin, jidraw jafdaw il-CC.

5.12

Il-Kummissjoni tipproponi sensiela ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tal-CC. Għal dawn l-azzjonijiet, il-Komunikazzjoni ma tippreżentax skeda preċiża u soda.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika tali skeda mill-aktar fis. Fil-fatt, l-evoluzzjoni b’rabta mat-teknoloġija tal-CC hija rapida; għalhekk huwa urġenti u importanti li l-atturi kollha jaqblu u jallinjaw l-istrateġija proprja tagħhom mal-azzjonijiet tal-Kummissjoni.

Brussell, 16 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjonijiet tal-KESE dwar Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 93, u Is-soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 99.

(2)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-cloud computing fl-Ewropa”, (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40.

(3)  Il-Viċi President tal-KE inkarigata mill-Aġenda Diġitali, N. Kroes, irrakkomandat dan il-livell ta’ żvilupp f’bosta diskorsi.

(4)  Il-KESE ppropona dan il-għan politiku aktar ambizzjuż fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-CC (TEN/452).

(5)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-cloud computing fl-Ewropa”, (opinjoni fuq inizjattiva proprja), ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40.


14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku”

JOIN(2012) 6 final

2013/C 76/12

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar il-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Sħubija għall-Iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku

JOIN(2012) 6 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Diċembru 2012.

Matul l-486 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2013 (seduta tas-17 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, 13-il vot kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jikkunsidra li l-għanijiet tal-UE abbażi tas-sħubija għall-iżvilupp imġedda bejn l-UE u l-Paċifiku huma ambizzjużi u wesgħin, iżda jemmen li l-modi tal-implimentazzjoni tagħhom, li prinċipalment jirrigwardjaw il-protezzjoni tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-biodiversità fir-reġjun, ma tantx huma ċari. Il-KESE jaqbel mal-bżonn li l-impatt tat-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat b’mod sinerġiku ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, għax dan it-tibdil jolqot il-politiki kollha ta’ żvilupp nazzjonali u multilaterali, u għandu reperkussjonijiet mhux biss ekonomiċi, iżda wkoll soċjali. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet marbuta mal-impatt tat-tibdil fil-klima għandhom ikunu parti organika tal-politiki dwar l-ambjent taż-żona, biex b’hekk l-azzjonijiet u l-interventi jkunu koerenti

1.2

Il-KESE jikkunsidra, iżda, li biex jintlaħaq dan il-għan hemm bżonn li l-pajjiżi konċernati jistabbilixxu miżuri u attivitajiet integrati ta’ żvilupp sostennibli, sabiex l-għajnuna tikseb l-effett massimu tagħha. Il-miżuri kollha għandhom jintużaw b’mod sinerġiku u l-atturi lokali għandhom ukoll jinvolvu lilhom infushom b’mod attiv, abbażi ta’ pjan fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil.

1.3

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-Komunikazzjoni tinnota li għandha tkun rikonoxxuta li t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet u l-istabbilita demokratika huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi. Sfortunatament, is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi, fejn għad hemm sistema dittatorjali li tkompli tiċħad liċ-ċittadini tagħha mid-drittijiet fundamentali, tiġi msemmija biss b’mod superfiċjali, meta fil-fatt jistħoqqilha pożizzjoni aktar soda u koerenti mill-Ewropa.

1.4

Id-definizzjoni tas-sħubija għall-iżvilupp imġedda għandha tkun opportunità biex jiġu indikati l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jservu bħala linji gwida għall-UE fil-konfronti tagħha mal-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-għajnuna Komunitarja abbażi tal-applikazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Cotonou. Għandu jiġi garantit ukoll it-twettiq effettiv tad-demokrazija fil-pajjiżi kollha permezz tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tax-xogħol, kif ukoll il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika.

1.5

Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-qagħda serja u tat-tħassib tan-nisa fil-pajjiżi kollha ta’ dan ir-reġjun, li huma mċaħda mid-drittijiet l-iktar fundamentali tal-bniedem. Id-drittijiet u l-protezzjoni tan-nisa għandu jkollhom rwol ewlieni fil-kwistjonijiet kollha relatati mar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Paċifiku. Il-livell għoli ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-livell baxx ta’ involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-pożizzjonijiet għolja huma tat-tħassib għall-KESE u l-imsieħba tiegħu, u għandu jkollhom rwol iktar sinifikanti fid-dokument tal-Kummissjoni u fl-attivitajiet futuri.

1.6

Skont il-KESE għandu jibqa’ fundamentali t-tkabbir tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili in ġenerali f’dan ir-reġjun, kif ukoll fir-reġjuni l-oħra kollha milquta mill-ftehimiet stabbiliti mal-UE. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu promossi u implimentati miżuri li jippermettu li jintlaħaq dan il-għan. Billi l-KESE jagħraf li l-pożizzjoni ġeografika toħloq diffikultajiet li jillimitaw ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali strutturati, jemmen li jkun partikolarment utli l-ħolqien ta’ netwerk u ta’ kumitati konġunti fil-livell nazzjonali, lokali, u idealment tar-reġjun sħiħ. Dawn l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni għandhom iħeġġu l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha rilevanti għad-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ftehimiet. Dan għandu jkun prinċipju assolut. Ikun utli li ssir inizjattiva diretta li tippromovi l-ħolqien ta’ KES ġenwin għar-reġjun, li wkoll ikun ta’ għajnuna biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u ċivili u jtejjeb it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi lokali kollha, filwaqt li jipprovdi fondi speċifiċi għal dan.

1.7

Il-KESE jemmen illi għandha tingħata prijorità lill-koordinament bejn l-azzjonijiet diversi tal-UE permezz tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni involuti fil-programmi u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kif ukoll lill-involviment tad-WTO fir-reġjun. Il-koordinament huwa essenzjali minħabba d-daqs żgħir tal-amministrazzjonijiet tal-gvern fil-pajjiżi konċernati. Din id-direzzjoni tista’ tagħti l-opportunità lill-SEAE biex taġixxi b’mod deċisiv, bil-għan li l-politika ta’ azzjoni esterna tal-UE issaħħaħ l-isforzi tagħħa biex isir koordinament aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE.

1.8

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tagħmel enfasi qawwija fuq il-klima. Madankollu, il-KESE jinnota li l-iżvilupp ekonomiku huwa essenzjali biex tiġi ffaċċjata l-isfida tal-klima. Biex jiġi żgurat it-tkabbir inklużiv, sostenibbli u integrat għall-iżvilupp fir-reġjun, il-KESE jemmen li hija fundamentali li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki tal-iżvilupp u l-interventi għall-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll f’setturi oħrajn – il-kummerċ, is-sajd, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel, ir-riċerka u l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija. Il-kriterji għall-għażla tal-metodi tal-għoti tal-għajnuna għandhom ikunu bbażati fuq indikaturi definiti b’mod ċar u stabbiliti minn qabel, kemm għall-monitoraġġ konsegwenti tal-programmi kif ukoll biex ikun hemm koordinament tad-donaturi diversi.

1.9

Sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-integrazzjoni fir-reġjun, il-KESE jaqbel li ssir distinzjoni bejn il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-pajjiżi extra-Ewropej skont is-sitwazzjoni istituzzjonali u tal-iżvilupp tal-pajjiżi rispettivi. Għandha tiġi vvalutata wkoll is-sitwazzjoni tat-territorji extra-Ewropej (OCT – Overseas Countries and Territories) li huma aktar żviluppati mill-pajjiżi l-oħra u li diġà jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-għajnuniet bilaterali. Dawn l-interventi għandhom ikunu koordinati mal-programmi tal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun. Dawn it-territorji jistgħu jkunu punt ta’ referenza importanti sabiex jinxterdu d-drittijiet, il-valuri u l-prattiki tajba tal-politiki Ewropej iffokati fuq it-tkabbir inklużiv.

1.10

Fir-rigward tal-ftehim kummerċjali jkun tajjeb, anke fid-dawl tad-diffikultajiet attwali, li dan jimxi lejn ftehim reġjonali li jmur lil hinn minn dak bilaterali. Irid jitqies, madankollu, li, minbarra s-sajd, dawn huma entitajiet zgħar ekonomiċi fil-qasam tal-kummerċ.

1.11

Il-KESE jemmen ukoll li l-UE għandha ssegwi b’attenzjoni, permezz tal-kummissjoni speċjalizzata rilevanti tan-NU, in-negozjati dwar il-liġi tal-baħar marbuta mal-BLATA KONTINENTALI, b’mod partikolari fiż-żona ġeografika marbuta ma’ din l-Opinjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Kif inhu magħruf, l-UE ikkonkludiet diversi sħubijiet mar-reġjun tal-Paċifiku. Din is-sħubija l-ġdida tolqot ħmistax-il Pajjiż gżira indipendenti (1), erba’ Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCT) (2), il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF), l-Awstralja u n-New Zealand ¬ kollha kemm huma membri ewlenin tal-forum u msieħba li jaħsbuha bl-istess mod. Wara l-Istrateġija tal-2006, l-iskop sar li jiġi kkonsolidat ir-rwol tal-UE fir-reġjun, kemm għaliex hija t-tieni l-akbar donatur fir-reġjun wara l-Awstralja, kif ukoll biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun kollu, b’rikonoxximent tal-bżonn li jiġi żgurat r-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-konsolidament tal-istituzzjonijiet demokratiċi.

2.2

Filwaqt li tkompli tibni fuq il-Ftehim ta’ Cotonou (UE-AKP), b’din il-Komunikazzjoni Konġunta l-UE tipproponi li tiffoka l-azzjoni tagħha fil-Paċifiku bħala reġjun fuq numru ta’ għanijiet fundamentali tal-Aġenda tal-Bidla tagħha (3).

il-promozzjoni tal-koerenza bejn l-iżvilupp, l-azzjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u politiki oħrajn tal-UE, bħall-kummerċ, l-ambjent, is-sajd, ir-riċerka, fuq naħa waħda, u l-appoġġ għar-rikonoxximent u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fuq in-naħa l-oħra;

l-adattament u s-simplifikazzjoni tal-metodi tal-għoti tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u finanzjament akbar għall-ġlieda kontra r-riskji tat-tibdil fil-klima fil-Paċifiku, bil-għan li jiżdiedu l-valur miżjud, ir-riżultati, l-impatt u l-effikaċja globali tal-għajnuniet;

l-istimulazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali ta’ suċċess tal-OCTs tal-Paċifiku u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jippromwovu l-valuri tal-UE u jsiru katalisti ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem fir-reġjun;

id-definizzjoni, flimkien mal-pajjiżi tal-Paċifiku, ta’ aġenda pożittiva ta’ kwistjonijiet ta’ interess komuni fin-NU u f’fora internazzjonali oħra;

issir kooperazzjoni ma’ sħab li jaħsbuha bl-istess mod sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem u biex tingħata għajnuna għat-tisħiħ tal-proċessi demokratiċi madwar ir-reġjun.

L-UE hija rikonoxxuta mill-imsieħba soċjali u l-interlokuturi lokali bħala ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu, u għandha l-intenzjoni li tikkonsolida l-presenza tagħha fir-reġjun b’mod responsabbli.

2.3

Għalkemm il-parti l-kbira mill-Istati u t-territorji gżejjer għandhom popolazzjoni interessata zgħira, huma estensivi fid-daqs u fid-diversità. Dan joħloq numru sostanzjali ta’ kwistjonijiet minħabba l-pożizzjoni ġeografika partikolari tar-reġjun, li bħala unità jagħmilha fraġli u delikat. Ir-reġjun huwa unit permezz tal-ekosistema tal-baħar, fost affarijiet oħra, u din tibqa’ valur uniku li jistħoqqlu attenzjoni u protezzjoni.

2.4

Dan mhux għan faċli biex jintlaħaq, mhux biss għar-raġunijiet imsemmija fil-komunikazzjoni, iżda wkoll minħabba r-restrizzjonijiet li l-kriżi ekonomika għamlet fuq il-politika esterna tal-Unjoni, li jistgħu wkoll jaffettwaw il-ftehim futur ta’ Cotonou wara l-2020. Madankollu, il-pożizzjoni ġeografika ta’ dawn il-pajjiżi trendihom importanti mil-lat ġeostrateġiku għall-UE minħabba l-viċinanza tagħhom għaċ-Ċina u għall-Ġappun. Għal dan il-għan ikun utli l-involviment akbar u l-użu aħjar tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej għat-tixrid tal-politiki, l-implimentazzjoni tal-programmi, u l-kultura legali tal-UE, li żgur irendu vantaġġi reċiproki.

3.   Aspetti pożittivi

3.1

Tingħata l-attenzjoni lill-impatt tat-tibdil fil-klima u r-reperkussjonijiet serji li dan għandu fuq l-istabbilità tal-ekosistema fir-reġjun kollu, sal-punt illi saħansitra l-eżistenza tagħha hija mhedda. Il-Komunikazzjoni taċċenna wkoll ir-riskji kkaġunati mill-iżbilanċ dejjem jikber fit-tkabbir sostenibbli tal-pajjiżi involuti, mill-perspettiva strettament ekonomika u baġitarja, kif ukoll dik politika u soċjali. B’hekk jimmultiplikaw ir-riskji, bl-effett li tiġi limitata wkoll il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.2

Tingħata l-attenzjoni lill-bżonn ta’ azzjonijiet integrati mid-diversi atturi internazzjonali involuti fl-għoti tal-għajnuna, kemm dawk bilaterali, kif ukoll dawk multilaterali. Attwalment dawn l-azzjonijiet huma frammentati wisq u għalhekk l-effiċjenza sħiħa mhijex qed tintlaħaq.

3.3

Il-bżonn ta’ koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali; dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi l-iżjed għan-Nazzjonijiet Uniti.

3.4

Attenzjoni lill-kooperazzjoni reġjonali u l-bżonn li jitjiebu (jekk mhux jinħolqu) programmi tematiċi u pjani ta’ żvilupp appoġġjati mill-organizzazzjonijiet reġjonali sabiex ikun hemm approċċ integrat tal-għoti tal-għajnuna u l-ġestjoni tiegħu, minbarra l-istrateġiji għall-iżvilupp tar-reġjun infushom.

3.5

L-importanza tad-djalogu mal-atturi istituzzjonali lokali biex jiġu definiti l-programmi tal-għajnuna u biex jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltajiet tal-implimentazzjoni tagħhom.

3.6

Tingħata l-attenzjoni biex titjieb l-effikaċja tal-interventi. Dan jista’ jsir billi jkunu disponibbli minn qabel, fil-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna, mekkaniżmi tal-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-interventi. F’dan ir-rigward ikun hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni speċifika.

3.7

Analiżi tal-metodi tal-għoti tal-għajnuna min-naħa tad-donaturi multilaterali u bilaterali, li jesprimu l-impenn li jadattaw dawn il-metodi skont id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom id-dipartimenti żgħar amministrattivi tal-Istati u t-territorji gżejjer tal-Paċifiku; attenzjoni lid-diffikultajiet li l-pajjiżi riċevituri jsibu biex jintegraw l-għajnuna fil-programmi nazzjonali għall-iżvilupp, li huma maħsuba għal miżuri li għandhom l-għan li jtejbu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali.

3.8

It-tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa Fiġi, li l-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi, iżda mingħajr ma semmiet speċifikament kundizzjonijiet oħra rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna.

4.   Nuqqasijiet

4.1

Il-Komunikazzjoni mhix ċara dwar kif l-UE ser tistudja u ttejjeb il-miżuri ħlief għall-għanijiet fuq medda qasira ta’ żmien. Dawn huma miżuri importanti, iżda mhumiex biżżejjed biex nagħmlu impatt fuq is-sostenibbiltà futura tar-reġjun. Dan huwa reġjun uniku u vast, li fih numru kbir ta’ pajjiżi li għandhom popolazzjoni żgħira jew żgħira ħafna, iżda li huma kbar ġeografikament. Dawn il-pajjiżi għandhom approċċi diversi, u fehmiet diversi dwar il-bżonn ta’ interventi mmirati lejn żvilupp sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien, u viżjoni diversa tar-regoli li għandhom jiġu applikati fil-livell nazzjonali u fl-ibħra territorjali u internazzjonali li jimmarkaw il-konfini tagħhom.

4.2

Il-KESE jemmen li hemm bżonn approċċ integrat u fuq medda twila ta’ żmien b’responsabbiltà konġunta bejn l-atturi kollha involuti fir-reġjun, sew jekk huma istituzzjonijiet internazzjonali, pajjiżi oħra jew atturi lokali. Il-proposta ta’ sħubija tal-Kummissjoni għandha tieħu kont tan-negozjar għar-reviżjoni tal-baġit Komunitarju l-ġdid, tal-prijoritajiet ġodda li ser ikunu stabbiliti fl-Għanijiet tal-Millennju wara l-2015, u tal-proċess li ser jibda għan-negozjar imġedded tal-Ftehim ta’ Cotonou.

4.3

Fl-għanijiet tal-Komunikazzjoni jkun utli jekk tingħata aktar attenzjoni lill-iżvilupp integrat tar-reġjun tal-Paċifiku, il-politiki ta’ żvilupp, u l-oqsma tal-interventi; pereżempju, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel huma msemmijin biss fil-kuntest tat-tibdil fil-klima fir-reġjun. Il-vitalità taż-żoni rurali tiddependi mill-agrikoltura. Għalkemm l-agrikoltura hija prinċipalment waħda ta’ sussistenza – iz-zokkor tal-kannamiela u ż-żejt tal-palm biss huma prodotti li jiġu esportati fuq skala kbira – hemm problema bil-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-użu sostenibbli tal-art għall-agrikoltura. Għandu jiġi nnotat li minħabba r-riforma tal-politika Ewropea dwar iz-zokkor fl-2006, xi wħud mill-pajjiżi kkonċernati tilfu l-pożizzjoni preferenzjali tagħhom u b’hekk tilfu wkoll l-impjiegi.

4.4

L-enfasi tal-Komunikazzjoni hija prinċipalment fuq ir-riskji tat-tibdil fil-klima, li hija kwistjoni essenzjali għas-sopravvivenza ta’ xi pajjiżi u tal-ekosistema (it-tlugħ fil-livell tal-ilma, id-deforestazzjoni, l-akwiferi tal-ilma baħar, iż-żieda fit-temperatura tal-baħar eċċ.). Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li r-riżorsi jiġu prinċipalment allokati f’dan il-qasam; ikun tajjeb, iżda, li jiġu attwati programmi integrati u koerenti ta’ żvilupp sostenibbli u tkabbir, b’impenji definiti min-naħa tal-pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna. Għal dan il-għan ikun tajjeb l-involviment tas-settur privat ukoll, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

4.5

Il-KESE jemmen li hemm bżonn approċċ integrat strateġiku fl-għoti tal-għajnuna, u l-Komunikazzjoni tagħti bidu tajjeb għal dan. Għandhom jaħdmu flimkien id-diversi direttorati ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni, speċifikament DEVCO, id-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, id-DĠ għall-Kummerċ, id-DĠ Saħħa u Konsumaturi (SANCO), id-DĠ għar-Riċerka u l-SEAE. Attwalment, minkejja l-passi li ttieħdu ’l quddiem, il-ħidma ta’ dawn id-direttorati għandha tkun iżjed koordinata (4) biex tingħata aktar koerenza lill-politiki tal-UE.

4.6

Il-qasam tas-sajd, li huwa essenzjali għall-pajjiżi kollha tal-Paċifiku, iżda anke għall-UE minħabba l-livell għoli ta’ esportazzjoni lejn il-pajjiżi tal-UE (speċjalment tat-tonn), għandu b’mod partikolari jkun meqjus importanti ħafna f’dawn il-miżuri. Hemm il-bżonn li tinżamm is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u tal-ekosistema u li jieqaf is-sajd eċċessiv, li jista’ jipperikola s-sajd fil-ġejjieni. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni meħuda mill-UE fil-ġlieda kontra s-sajd illegali permezz tal-applikazzjoni tar-regolament tal-UE li għandu l-għan li jwaqqaf, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU). Abbażi ta’ dan ir-regolament il-Kummissjoni nnotifikat żewġ pajjiżi fir-reġjun (Vanwatu u Fiġi) li jistgħu jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat.

4.6.1

Għal dawn ir-raġunijiet l-Unjoni għandha żżomm l-arranġamenti preferenzjali mal-pajjiżi AKP, bħalma ġara reċentement ma’ wħud mill-pajjiżi tar-reġjun (5), anke jekk l-Unjoni jkollha tqis ir-riskju ta’ żbilanċ fil-kompetittività mal-operaturi l-oħra fis-settur.

4.6.2

Il-KESE jagħraf id-diffikultajiet oġġettivi li hemm f’dan is-settur, u jilqa’ b’sodisfazzjon it-tliet Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPA), iffirmati ma’ Kiribati, il-Gżejjer Solomon u l-Istati Federali tal-Mikroneżja, iżda jittama illi jista’ jintlaħaq ftehim komprensiv mal-pajjiżi kollha involuti dwar ir-regoli li għandhom jiġu applikati fl-ibħra territorjali u internazzjonali ta’ dan ir-reġjun.

4.7

Fir-rigward tal-koordinament tal-għoti tal-għajnuna fil-qasam tal-kummerċ, li huwa ġustament enfasizzat fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), minkejja li sitt pajjiżi fost il-gżejjer tal-Paċifiku huma membri ta’ din l-organizzazzjoni u jgawdu minn programmi u trattament speċjali.

4.8

Kummerċ (WTO): Fiġi, il-Papwa Ginea Ġdida, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Samoa u l-Vanwatu huma pajjiżi membri tal-WTO, illi, permezz tad-diversi ftehimiet ta’ adeżjoni, tipprova tiżgura sistema kummerċjali stabbli u integrata fil-livell reġjonali, bil-għan li timmassimizza l-benefiċċji u tagħmel użu aktar effikaċi tar-riżorsi u tal-ekonomiji ta’ skala.

4.8.1

Fl-2004 il-WTO fetħet uffiċċju ta’ rappreżentanza għall-Gżejjer tal-Paċifiku f’Ġinevra, bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni aħjar tas-sistemi burokratiċi u tippromwovi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-kummerċ u fl-aġenda multilaterali, li huma essenzjali għal dawn l-ekonomiji zgħar.

4.8.2

Ikun tajjeb li l-Unjoni Ewropea, anke abbażi tal-Ftehim ta’ Cotonou mġedded, tistabbilixxi rabtiet mill-qrib u strutturati mal-uffiċċju tar-rappreżentanża f’Ġinevra u mal-WTO. Approċċ ikkoordinat huwa essenzjali, l-iktar peress li l-amministrazzjonijiet ta’ ħafna minn dawn il-pajjiżi huma ta’ daqs limitat. B’hekk ikunu jistgħu jiġu koordinati l-inizjattivi li jappoġġjaw dawn l-ekonomiji permezz ta’ programmi ta’ għajnuna teknika, li huma diġà attivi iżda mhux koordinati fil-livell multilaterali. Ma’ dan irridu nżidu l-perjodu twil ta’ tkabbir ekonomiku baxx u instabbli, b’differenzi kbar bejn il-pajjiżi – il-Papwa Ginea Ġdida u l-Gżejjer Solomon ibbenefikaw minn rati ogħla ta’ tkabbir minħabba l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, filwaqt li Fiġi u Samoa, li diġà għandhom ekonomija dgħajfa, kellhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi tad-diżastri naturali (6).

4.8.3

Barra minn dan, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-iżvilupp tal-SMEs, għall-ħolqien ta’ servizzi ta’ għajnuna reġjonali li għandhom jiġu mitluba u stabbiliti fuq livell multilaterali. Dawn għandhom jużaw ir-riżorsi u l-programmi li diġà jeżistu fi ħdan il-WTO, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bank Dinji, anke fir-rigward ta’ l-iżvilupp rurali.

4.9

Il-Komunikazzjoni tirreferi ġustament għar-riskji soċjali li għandhom dawn il-gżejjer minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp ekonomiku, għall-emigrazzjoni tal-ħaddiema tas-sengħa li ma jsibux xogħol lokalment, u għall-konsegwenzi soċjali tat-tibdil fil-klima. Skont id-data tal-Bank Dinji, il-Gżejjer Solomon, il-Vanwatu, Samoa, Kiribati, Timor tal-Lvant u Tuvalu jagħmlu parti mill-grupp tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) b’ rati ta’ faqar estiżi. Fil-Papwa Ginea Ġdida stess, l-akbar fost il-pajjiżi tal-Paċifiku, aktar minn 40 % tal-popolazzjoni tgħix taħt il-livell tal-faqar. Din id-data taffettwa s-suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u tirrikjedi interventi koordinati fil-livell internazzjonali. Iżda madankollu, il-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-ħidma tal-aġenziji varji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

4.9.1

Il-programmi varji tal-aġenziji tan-NU huma indispensabbli u għandhom ikunu mħeġġa mill-Kummissjoni, għax jgħinu fil-ħolqien tas-sensibilizzazzjoni neċessarja u t-tisħiħ tal-kapaċijiet sabiex l-għajnuna kollha mogħtija mid-diversi donaturi, inkluża l-UE, tiġi “assorbita” u jinkiseb l-effett massimu tagħha. Barra minn hekk iqiegħdu aktar responsabbiltà fuq l-istituzzjonijiet u l-imsieħba soċjali u ċivili nazzjonali, u jippromwovu il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet demokratiċi parteċipattivi.

5.   Drittijiet, demokrazija, il-libertajiet tat-trejdjunjins, is-sitwazzjoni ta’ Fiġi

5.1

Il-gżejjer tal-Paċifiku huma meqjusa fost l-aktar żvantaġġati fid-dinja. Huma iżolati, b’popolazzjoni baxxa u livell għoli ta’ emigrazzjoni, b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni u taħriġ, u b’nuqqasijiet kbar fil-ħiliet relatati ma’ ċerti oqsma tal-kummerċ u tal-attivitajiet ekonomiċi internazzjonali.

5.1.1

Il-qagħda taż-żgħażagħ, partikolarment, tidher li qed toħloq problemi għall-gżejjer tal-Paċifiku, minħabba raġunijiet diversi, inklużi l-iżolament ġeografiku, l-iżvilupp ekonomiku limitat (ekonomiji żgħar li ma tantx huma integrati ma’ xulxin, u swieq domestiċi limitati), u t-tkabbir demografiku fil-popolazzjoni taż-żgħażagħ li jaħdmu (7) L-Awstralja nediet programm ta’ impjieg staġjonali għall-pajjiżi l-aktar żvantaġġati tal-Paċifiku. Dan huwa intervent rilevanti li għandu jiġi promoss u mxerred anke f’pajjiżi oħra fir-reġjun.

5.1.2

Il-qagħda tan-nisa hija waħda serja u ta’ tħassib minħabba l-fenomenu mifrux tal-isfruttament u d-degradazzjoni, u l-fatt li bilkemm saru passi ’l quddiem fit-tfittxija għal soluzzjonijiet effikaċi. In-nisa jibqgħu diskriminati immens, kemm minħabba li ma jipparteċipaw kważi xejn fis-suq tax-xogħol u l-ħajja politika, kif ukoll minħabba atti ta’ vjolenza kontrihom li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u li għadhom isiru spiss fil-pajjiżi kollha. Din mhijiex biss kwistjoni kulturali, iżda hija wkoll waħda li tirrigwardja opportunitatjiet ta’ xogħol, integrazzjoni u parteċipazzjoni. Għandha ssir referenza speċifika għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp 2010-2015, li fost affarijiet oħra, jappella għall-użu ta’ indikaturi preċiżi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fl-istituzzjonijiet nazzjonali.

5.2

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huma kundizzjonijiet fundamentali fil-politiki tal-għajnuna u l-kooperazzjoni tal-UE. Fost dawn hemm id-drittijiet tat-trejdjunjins, li huma rikonoxxuti fil-livell internazzjonali fit-tmien konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.

5.3

Il-Ftehim ta’ Cotonou wkoll jirrikonoxxi l-valur fundamentali tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-istituzzjonijiet demokratiċi għall-ħolqien ta’ ekonomija stabbli li tirnexxi. Għalkemm il-komunikazzjoni hija dwar strateġija reġjonali, sfortunatament ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lil dawn in-nuqqasijiet serji attwali, speċjalment ġewwa Fiġi, li kif ġie nnotat diġà hija t-tieni l-akbar gżira bħala daqs u popolazzjoni fir-reġjun.

5.4

Is-sitwazzjoni ġewwa Fiġi, fil-fatt, mhix aċċettabbli: il-gvern, immexxi minn ġunta militari mindu sar il-kolp ta’ Stat tal-2006, nieda kampanja aggressiva fl-2011 biex iżarma l-movimenti tat-trejdjunjins u jiċħad lill-ħaddiema ta’ Fiġi mid-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan kien ksur tal-konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO li kienu ratifikati mill-gvern. L-eliminazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, it-tortura u l-abbuż, il-vjolenza kontra n-nisa u l-minorenni, u s-suppressjoni tad-drittijiet l-aktar bażiċi tal-ħaddiema, jagħmlu dan il-każ wieħed emblematiku għall-UE, li ma jistax jibqa’ ttollerat. Għalkemm ġie applikat l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-KESE jemmen li jinħtieġ intervent aktar qawwi ġo Fiġi, anke minħabba l-elezzjonijiet tal-2014 u l-proċess tad-definizzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida.

5.5

Is-sitwazzjoni ġewwa Fiġi reġgħet ġiet diskussa fis-sessjoni tal-korp governattiv tal-ILO li saret f’Novembru 2012. Ġiet approvata Riżoluzzjoni speċifika, anke minħabba d-deċiżjoni reċenti tal-gvern ta’ Fiġi li jkeċċi delegazzjoni li kienet fuq missjoni bil-mandat tal-korp governattiv tal-ILO (8). L-UE ma tistax ħlief tindirizza din il-kwistjoni b’mod li huwa konsistenti mal-Istati Membri tagħha li ngħaqdu mal-ILO fil-kundanna tagħha.

5.6

Il-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-soċjeta ċivili f’dan il-każ huma diffiċli, anzi kważi ma jeżistux. Id-drittijiet l-aktar fundamentali tas-soċjeta ċivili qed jiġu miksura b’mod sfaċċat, u dan imur kontra l-prinċipji kollha tad-demokrazija. Il-KESE ma jistax jaċċetta li din is-sitwazzjoni tkompli sejra. Il-KESE għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE bil-pożizzjoni tiegħu u jaġixxi għaliha (9).

5.7

Hemm bżonn ta’ intervenzjoni aktar soda, kemm diretta kif ukoll fil-livell bilaterali, fid-definizzjoni tal-prerekwiżiti neċessarji fl-għoti tal-għajnuna tal-UE. Din tafferma li l-Istati Membri tal-UE huma magħquda fil-pożizzjoni tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali, pożizzjoni li hija konsistenti mal-prinċipji kostituttivi tal-Unjoni u li mhumiex negozjabbli.

6.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili

6.1

Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata hija l-bażi li permezz tagħha jistgħu jiġu żviluppati diversi forom ta’ sħubijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Rwol aktar importanti huwa fil-konfront tad-drittijiet u d-demokrazija. Li dawn jiġu rispettati għandu jkun prerekwiżit għall-pajjiżi li iridu jibbenefikaw mill-politika tal-assistenza u kooperazzjoni tal-UE.

6.2

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija għan ewlieni f’dan l-ambitu, minkejja li hemm mill-anqas żewġ limitazzjonijiet oġġettivi għaliha. L-ewwel waħda hija l-pożizzjoni unika ġeografika, il-vulnerabbiltà tal-gżejjer u l-firxa wiesgħa tal-popolazzjoni, fatturi li jrendu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt diffiċli ħafna. It-tieni jikkonċerna l-eżerċizzju tad-demokrazija u l-parteċipazzjoni atttiva tas-soċjetà ċivili fil-ħajja tal-istituzzjonijiet.

6.3

Minkejja dan, il-KESE jappella biex isir kull sforz għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali fid-definizzjoni, it-twettiq u l-monitoraġġ tal-proġetti tal-UE, b’mod partikolari dawk marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, id-djalogu soċjali u ċivili, l-iżvilupp u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-demokrazija.

6.4

Il-KESE jappella għall-azzjoni fil-pront biex tiġi stabbilita sħubija bejn l-UE u l-Paċifiku bl-involviment tas-soċjeta ċivili organizzata, sabiex il-problemi fir-reġjun jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv (10), u li jitwaqqaf kumitat ta’ monitoraġġ tal-programmi bħala element fundamentali tal-parteċipazzjoni.

7.   Kummenti dwar l-azzjonijiet rakkomandati fil-Komunikazzjoni

7.1

L-azzjonijiet rakkomandati mill-UE, li jqiegħdu l-kwistjoni tar-riskji tat-tibdil fil-klima bħala prijorità fir-reġjun tal-Paċifiku, huma appoġġjati parzjalment biss. Dan għaliex jonqos approċċ integrat għall-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun.

7.2

Hemm bżonn li jsir approċċ koordinat aħjar bejn is-SEAE u d-diversi direttorati ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati programmi koerenti u strateġiċi li jużaw ir-riżorsi disponibbli għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-sajd, kif ukoll għal programmi integrati għall-iżvilupp sostenibbli u l-iżvilupp rurali.

7.3

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn jissaħħaħ il-djalogu mal-istituzzjonijiet lokali, iżda għandha tkun żgurata il-parteċipazzjoni aktar sistematika tas-soċjetà ċivili permezz ta’ panil permanenti li jevalwa u janalizza l-għajnuna.

7.4

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kontinwità fil-laqgħat bejn id-donaturi u l-pajjiżi riċevituri biex jiġi żgurat dak il-koordinament tal-programmi li huwa enfasizzat mill-Kummissjoni. Id-destinazzjoni u l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-għajnuna jibqgħu aspetti fundamentali. F’dan ir-rigward, minnbarra l-attività preventiva permezz ta’ informazzjoni u taħriġ, il-monitoraġġ minn kumitat konġunt li għandu bħala ċentru l-imsieħba soċjali u ċivili huwa importanti.

7.5

Kif diġà imsemmi, għandhom jissaħħu l-valutazzjonijiet dwar ir-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, il-qagħda inaċċettabbli tan-nisa fir-reġjun, l-opportunitajiet limitati ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, u r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Fiġi.

Brussell, 17 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Gżejjer Cook (bla vot fin-NU), l-Istati Federali tal-Mikroneżja, Fiġi, Kiribati, il-Ġżejjer Marshall, Nauru, Niue (bla vot fin-NU), il-Palaw, il-Papwa Ginea Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor Leste, Tonga, Tuvalu u l-Vanwatu.

(2)  Il-Polineżja Franċiża, il-Kaledonja Ġdid, il-Gżejjer Pitcairn u Wallis u Futuna.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla; COM(2011)637 - 13.10.2011

(4)  L-ammont totali tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-assistenza għat-tibdil fil-klima għall-pajjiżi tal-Paċifiku u l-OCTs għall-perjodu 2008 ¬ 2013 huwa ta' madwar EUR 785 miljun, li minnhom EUR 730 miljun ġew mill-għaxar EDF u EUR 56 miljun mill-baġit tal-UE. Esklużi l-programmi nazzjonali, il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-UE u l-Paċifiku għal-perjodu 2008 ¬ 2013 jiswa madwar EUR 95 miljun għall-finanzjament inizjali, minbarra l-fondi li ġejjin mill-programm tematiku tal-istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-programm reġjonali tal-UE ¬ Paċifiku għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali (EUR 45 miljun), appoġġ lis-soċjetà ċivili u t-tisħiħ fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (EUR 10 miljun) u l-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali (EUR 40 miljun). Barra minn dan, il-Kummissjoni ħabbret l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Investiment fil-Paċifiku (Pacific Investment Facility) biex tkabbar l-investiment fl-infrastrutturi ewlenin sabiex ir-reġjun isir aktar kompetittiv fis-suq globali, u biex terġa’ tniedi t-tkabbir ekonomiku, tnaqqas il-faqar u tiffinanzja l-istrumenti ‘ekoloġiċi’ u tadatta għat-tibdil fil-klima.

(5)  Ara NAT/459, Is-sitwazzjoni u l-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea, Relatur: is-Sur Sarró Iparraguirre, ĠU C 48 15.2.2011, p. 21–26.

(6)  Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI): Regional Economic Outlook, Asia and the Pacific, Navigating an Uncertain Global Environment while building inclusive Growth (Ottubru 2011)

(7)  F’Samoa, mill-4 000 żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol, 500 biss isibu impjieg, f’Vanwatu l-proporzjon huwa ta’ 700 minn kull 3 500, u f’Fiġi l-qgħad taż-żgħażagħ hu ta’ madwar 46 %. Ara wkoll UNICEF Investing in Youth Policy, UN Asia-Pacific Interagency Group on Youth (2011).

(8)  Konferenza stampa tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins dwar Fiġi19.9.2012 u r-rapport tal-ILO qed jitħejja.

(9)  Ara l-ittra tal-Kunsill.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù”, ĠU C 299, 4.10.2012, pp. 39–44.