ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.028.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 28

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
30ta' Jannar 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 028/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2013/C 028/02

Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2012 Il-finanzjament minn miżuri strutturali għal proġetti infrastrutturali għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali huwa effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart?

2

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2013/C 028/03

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ EURODAC għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru […/…] (riformulazzjoni)

3

2013/C 028/04

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fiduċja u l-kunfidenza f’tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (Regolament dwar Servizzi Fiduċjarji Elettroniċi)

6

2013/C 028/05

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83, fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze

9

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 028/06

Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri kompensatorji

12

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 028/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6812 – SFPI/Dexia) ( 1 )

13

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Id-29 ta’ Jannar 2013

2013/C 28/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3433

JPY

Yen Ġappuniż

121,52

DKK

Krona Daniża

7,4595

GBP

Lira Sterlina

0,85360

SEK

Krona Żvediża

8,6110

CHF

Frank Żvizzeru

1,2416

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,4110

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,659

HUF

Forint Ungeriż

297,40

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6991

PLN

Zloty Pollakk

4,2090

RON

Leu Rumen

4,3835

TRY

Lira Turka

2,3805

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2860

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3510

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,4223

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6072

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6629

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 458,03

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

12,1785

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,3659

HRK

Kuna Kroata

7,5870

IDR

Rupiah Indoneżjan

13 003,25

MYR

Ringgit Malażjan

4,1421

PHP

Peso Filippin

54,836

RUB

Rouble Russu

40,4900

THB

Baht Tajlandiż

40,098

BRL

Real Brażiljan

2,6773

MXN

Peso Messikan

17,1112

INR

Rupi Indjan

72,1960


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-Qorti tal-Awdituri

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/2


Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2012 “Il-finanzjament minn miżuri strutturali għal proġetti infrastrutturali għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali huwa effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart?”

2013/C 28/02

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan tinfurmak li r-Rapport Speċjali Nru 20/2012 “Il-finanzjament minn miżuri strutturali għal proġetti infrastrutturali għall-immaniġġjar ta’ skart muniċipali huwa effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jiksbu l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-iskart?” għadu kif ġie ppubblikat.

Ir-rapport jista’ jiġi kkonsultat jew imniżżel mill-websajt tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: http://eca.europa.eu

Verżjoni stampata tar-rapport tista’ tinkiseb mingħajr ħlas fuq talba lill-Qorti tal-Awdituri:

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Unità “Verifika: Il-Produzzjoni ta’ Rapporti”

12, rue Alcide de Gasperi

1615 Luxembourg

LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1

Posta elettronika: eca-info@eca.europa.eu

jew billi timla formola ta’ ordni elettronika fuq l-EU-Bookshop.


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/3


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ “EURODAC” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru […/…] (riformulazzjoni)

(It-test sħiħ ta’ din l-opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 28/03

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-30 ta' Mejju 2012, il-Kummissjoni adottat proposta dwar riformulazzjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ “EURODAC” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru […/…] (li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit il-Istat Membru responsabbli mill-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat) u biex jitlob li jsir tqabbil mad-dejta ta’ EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (minn hawn il-quddiem: “il-Proposta”) (1).

2.

Il-Proposta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni fil-5 ta’ Ġunju 2012, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-KEPD jirrakkomanda li referenza għall-konsultazzjoni attwali ssir fil-preambolu tal-Proposta.

3.

Il-KEPD jiddispjaċih li s-servizzi tal-Kummissjoni ma talbux lill-KEPD jgħaddi kummenti informali lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-Proposta, skont il-proċedura miftiehma fir-rigward ta’ dokumenti tal-Kummissjoni relatati mal-ipproċessar ta’ dejta personali (2).

4.

Il-Proposta ġiet ippreżentata lill-Ministri għall-Affarijiet Interni waqt il-Kunsill tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni fis-7-8 Ġunju 2012 u bħalissa qiegħda tiġi diskussa fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew bil-għan li jiġi adottat regolament skont il-proċedura leġislattiva ordinarja sat-tmiem tal-2012. L-opinjoni attwali tal-KEPD għandha l-intenzjoni li tagħti kontribut favur għal din il-proċedura.

7.   Konklużjonijiet

87.

Il-KEPD jinnota li matul l-aħħar snin il-ħtieġa li d-data tal-EURODAC tiġi aċċessata għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi ġiet diskussa b’mod estensiv fil-Kummissjoni, fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew. Jifhem ukoll li d-disponibbiltà ta’ bażi tad-data bil-marki tas-swaba’ tista’ tkun strument addizzjonali utli fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Madanakollu l-KEPD ifakkar ukoll li dan l-aċċess għal EURODAC għandu impatt serju fuq il-protezzjoni ta’ data personali tal-persuni li d-data tagħhom tkun maħżuna fis-sistema EURODAC. Biex tkun valida, il-ħtieġa ta’ aċċess bħal dan għandha tkun appoġġjata minn elementi ċari u innegabbli, u għandha tintwera l-proporzjonalità tal-ipproċessar. Dan ikun aktar u aktar meħtieġ f’każ ta’ intrużjoni fid-drittijiet ta’ individwi li jikkostitwixxu grupp vulnerabbli fil-bżonn ta’ protezzjoni, kif previst fil-proposta.

88.

Evidenza pprovduta s’issa – li tqis ukoll il-kuntest speċifiku deskritt hawn fuq –skont il-KEPD mhijiex biżżejjed u aġġornata biex turi l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għoti ta’ aċċess lill-EURODAC għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Diġà hemm għadd ta’ strumenti legali li jippermettu li Stat Membru wieħed jikkonsulta marki tas-swaba’ u data oħra tal-infurzar tal-liġi miżmuma minn Stat Membru ieħor. Bħala prekundizzjoni għall-infurzar tal-liġi jenħtieġ ikun hemm ġustifikazzjoni ferm aħjar.

89.

F’dan il-kuntest il-KEPD jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni ġdida tal-impatt li tqis l-għażliet politiċi rilevanti kollha, li tagħti evidenza solida u statistika affidabbli u li tkun tinkludi valutazzjoni fil-perspettiva tad-drittijiet fundamentali.

90.

Il-KEPD identifika bosta kwistjonijiet addizzjonali bħal:

Liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-data

91.

Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa ta’ ċarezza dwar kif id-dispożizzjonijiet tal-Proposta li jispeċifikaw ċerti drittijiet u obbligi tal-protezzjoni tad-data huma relatati mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JHA kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/JHA (ara sezzjoni 4).

Kundizzjonijiet għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi

Kif iddikjarat hawn fuq, għandu l-ewwel jintwera li l-aċċess għall-infurzar tal-liġi għal EURODAC bħala tali huwa meħtieġ u proporzjonat. Imbagħad għandhom jitqiesu l-kummenti li saru hawn taħt.

92.

Il-KEPD jirrakkomanda:

li jiġi ċċarat li t-trasferiment ta’ data mill-EURODAC lil pajjiżi terzi huwa pprojbit ukoll anki f’każ tal-użu ta’ data ta’ EURODAC għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (ara l-punti 43-44);

iż-żieda tar-raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi mal-informazzjoni kkomunikata mas-suġġetti tad-data (ara l-punt 45);

li jiġi żgurat b’mod inekwivoku li l-aċċess għad-data ta’ EURODAC minn awtoritajiet maħtura jiġi limitat għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi (ara l-punt 49);

li l-aċċess għad-data tal-EURODAC għal raġunijiet tal-infurzar tal-liġi jiġi sottomess għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel jew bħala minimu jiġi previst li l-awtorità ta’ verifika għandha twettaq id-dmirijiet u l-kompiti tagħha b’mod indipendenti u ma għandhiex tirċievi struzzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-verifika (ara l-punti 50-51);

iż-żieda tal-kriterju tal-‘ħtieġa li jiġi evitat periklu imminenti assoċjat ma’ reati kriminali jew terroristiċi serji’ bħala każ eċċezzjonali li jiġġustifika l-konsultazzjoni ta’ data ta’ EURODAC mingħajr verifika minn qabel mill-awtorità ta’ verifika u l-introduzzjoni ta’ limitu konkret ta’ żmien għall-verifika ex-post (ara l-punti 53-54);

fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess, iż-żieda tal-kundizzjonijiet ta’ (i) konsultazzjoni minn qabel tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, (ii) ‘suspett sostanzjat li persuna ħatja ta’ offiżi terroristiċi jew offiżi kriminali serji oħra tkun applikat għal ażil’ u (iii) il-‘kontribut sostanzjali għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u jiġi ċċarat x’jinftiehem bil-frażi ‘raġunijiet validi’ (ara l-punti 56-57);

deskrizzjoni fi premessa tat-tip ta’ sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw aċċess dirett mill-Europol għall-Unità Ċentrali tal-EURODAC u jiġi previst li l-kundizzjonijiet stretti ta’ aċċess li japplikaw għall-awtoritajiet nazzjonali maħtura japplikaw ukoll għall-Europol (ara l-punti 58-59);

jiġi żgurat li t-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi għandu fi kwalunkwe każ ikun soġġett għal mill-anqas l-istess salvagwardji previsti għar-raġunijiet tar-Regolament Dublin (ara l-punt 62);

li r-regoli dwar iż-żamma jew it-tħassir tad-data jiġu speċifikati b’mod aktar ċar (ara l-punt 64);

jiġi ċċarat liema informazzjoni addizzjonali għas-‘sejba’ ser tiġi kkomunikata lill-EUROPOL jekk applikabbli (ara l-punti 65-66);

jiġi speċifikat l-għan(ijiet) preċiż(i) tat-talba mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija tat-tqabbil mad-data tal-EURODAC mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri kif ukoll l-anonimizzazzjoni mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tad-data qabel it-trażmissjoni tagħha lill-Bord ta’ Tmexxija u d-dħul mill-ġdid tar-regoli dwar is-segretezza professjonali (ara l-punti 67-68);

jingħata aċċess lill-KEPD u lill-awtorità superviżorja tal-Europol għar-reġistri miżmuma mill-Aġenzija u mill-Europol rispettivament kif ukoll l-obbligu li r-reġistri jinħażnu wkoll għat-twettiq ta’ awtoawditjar regolari tal-EURODAC (ara l-punti 79 u 85);

tiġi ċċarata s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data tal-Europol (ara l-punt 81).

Dispożizzjonijiet oħra

93.

Il-KEPD jirrakkomanda:

li s-Sistema tal-Kontinwità tan-Negozju tiġi sostitwita bil-ħtieġa għal Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u tiġi pprovduta bażi legali għal miżuri ta’ implimentazzjoni li jkun fihom il-modalitajiet ta’ pjan bħal dan (ara l-punt 72);

li jiġi żgurat li l-impossibbiltà temporanja jew permanenti li jiġu pprovduti marki tas-swaba’ li jistgħu jintużaw ma taffettwax b’mod negattiv is-sitwazzjoni legali tal-individwu u fi kwalunkwe każ għandha tirrappreżenta raġunijiet suffiċjenti biex applikazzjoni għall-ażil tiġi rrifjutata milli tiġi eżaminata jew tiġi miċħuda (ara l-punt 73);

tiġi żgurata konsistenza bejn l-obbligi tal-Aġenzija, tal-Istati Membri u tal-Europol li jżommu reġistri u dokumentazzjoni ta’ attivitajiet tal-ipproċessar tad-data (ara l-punt 77);

jittejbu d-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tad-data (ara l-punt 82);

il-KEPD jiġi inkluż għas-sottomissjoni tar-rapport annwali tal-Aġenzija (ara l-punt 83);

fl-Artikolu 43 jiżdied l-obbligu fuq l-Istati Membri u l-Europol li b’mod kontinwu jaġġornaw l-informazzjoni li jkunu pprovdew lill-Kummissjoni u jkun meħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri, għall-Europol u għall-pubbliku ‘permezz ta’ pubblikazzjoni elettronika kontinwament aġġornata’ (ara l-punt 86).

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2012.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 254 finali.

(2)  L-aħħar darba li l-KEPD ġie formalment ikkonsultat mill-Kummissjoni dwar emenda tar-Regolament EURODAC kien fl-2008.


30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/6


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fiduċja u l-kunfidenza f’tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (Regolament dwar Servizzi Fiduċjarji Elettroniċi)

(It-test sħiħ ta’ din l-opinjoni jista’ jinstab bil-lingwi EN, FR u DE fis-sit elettroniku tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 28/04

I.   Introduzzjoni

I.1.   Il-Proposta

1.

Fl-4 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (“il-Proposta”) (1).

2.

Il-proposta hija parti mill-miżuri mressqa mill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu ta’ tranżazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni Ewropea. Hija ssegwi l-azzjonijiet previsti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (2) dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni dwar il-firem elettroniċi (Azzjoni Ewlenija 3) u tipprovdi qafas koerenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi (Azzjoni Ewlenija 16).

3.

Il-Proposta hija mistennija ssaħħaħ il-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi pan-Ewropej u tiżgura rikonoxximent legali transkonfinali tal-identifikazzjoni, l-awtentifikazzjoni, il-firem u s-servizzi fiduċjarji elettroniċi relatati fis-suq intern filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta u l-għoti tas-setgħa lill-utent.

4.

Livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta huwa essenzjali għall-użu ta’ skemi ta’ identifikazzjoni u servizzi fiduċjarji elettroniċi. L-iżvilupp u l-użu ta’ mezzi elettroniċi bħal dawn għandom jiddependu fuq l-ipproċessar adegwat ta’ dejta personali minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u emittenti tal-identità elettronika. Dan huwa aktar u aktar importanti peress li dan l-ipproċessar sejjer jiġi invokat, fost affarijiet oħra, għall-identifikazzjoni u l-awtentifikazzjoni ta’ persuni naturali (jew legali) bl-aktar mod affidabbli.

I.2.   Konsultazzjoni tal-KEPD

5.

Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-possibbiltà li jipprovdi kummenti informali. Ħafna minn dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. B’riżultat ta’ dan, is-salvagwardji għall-protezzjonijiet tad-dejta fil-Proposta ġew imsaħħa.

6.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li ġie wkoll formalment ikkonsultat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

I.3.   Sfond tal-Proposta

7.

Il-Proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-mekkaniżmi għal rikonoxximent reċiproku u l-aċċettazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji fost l-Istati Membri. B’mod partikolari, tistabbilixxi l-prinċipji relatati mal-forniment ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni u ta’ servizzi elettroniċi fdati, inkluż ir-regoli applikabbli għar-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni. Tipprovdi wkoll ir-rekwiżiti għall-ħolqien, il-verifika, il-validazzjoni, il-ġestjoni u l-konservazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi, timbri tal-ħin elettroniċi, dokumenti elettroniċi, servizzi ta’ forniment elettroniku, l-awtentifikazzjoni tal-websajts u ċertifikati elettroniċi.

8.

Barra minn hekk, ir-Regolament propost jistabbilixxi r-regoli għas-superviżjoni tal-provvista ta’ servizzi fiduċjarji u jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu korpi superviżorji għal dan il-għan. Dawn il-korpi għandhom, fost kompiti oħra, jevalwaw il-konformità tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji elettroniċi.

9.

Il-Kapitolu II jittratta s-servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika waqt li l-Kapitolu III huwa ddedikat għal servizzi fiduċjarji elettroniċi oħra bħal firem, siġilli, timbri tal-ħin, dokumenti, servizzi ta’ forniment, ċertifikati u awtentifikazzjoni tal-websajts elettroniċi. Servizzi ta’ identifikazzjoni elettronika huma relatati ma’ karti nazzjonali ta’ identifikazzjoni u jistgħu jintużaw fl-aċċess għal servizzi diġitali u b’mod partikolari għal servizzi tal-gvern elettroniku; dan ifisser li entità li toħroġ identifikazzjoni elettronika tkun qed taġixxi għan-nom ta’ Stat Membru u dak l-Istat Membru jkun responsabbli biex jistabbilixxi b’mod korrett il-korrelazzjoni bejn individwu konkret u l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika tiegħu/tagħha. Fir-rigward ta’ servizzi fiduċjarji elettroniċi oħra, il-fornitur/emittent huwa persuna naturali jew legali responsabbli għall-għoti korrett u sigur ta’ dawn is-servizzi.

I.4.   Kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta mqajma mill-Proposta

10.

L-ipproċessar ta’ dejta personali huwa inerenti fl-użu ta’ skemi ta’ identifikazzjoni u sa ċert punt anke fl-għoti ta’ servizzi fiduċjarji oħra (per eżempju fil-każ ta’ firem elettroniċi). L-ipproċessar ta’ dejta personali sejjer ikun meħtieġ biex tiġi stabbilita rabta affidabbli bejn l-identifikazzjoni elettronika u l-mezzi ta’ awtentikazzjoni użati minn persuna naturali (jew legali) u dik il-persuna, sabiex jiġi ċċertifikat li l-persuna wara ċ-ċertifikat elettroniku hija verament dik li qed jgħid li huwa/hija. Pereżempju, identifikazzjonijiet elettroniċi jew ċertifikati elettroniċi jirreferu għal persuni naturali u sejrin jinkludu sett ta’ dejta li b’mod ċar jirrappreżenta lil dawk l-individwi. Fi kliem ieħor, il-ħolqien, il-verifika, il-validazzjoni u l-immaniġġjar tal-mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 3(12) tal-Proposta sejrin, f’ħafna każijiet, jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali u għalhekk il-protezzjoni tad-dejta ssir rilevanti.

11.

Għalhekk, huwa essenzjali li l-ipproċessar ta’ dejta fil-kuntest tal-provvista ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika jew servizzi fiduċjarji elettroniċi jsir skont il-qafas tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE, b’mod partikolari b’dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

12.

F’din l-Opinjoni, il-KEPD sejjer jiffoka l-analiżi tiegħu fuq tliet kwistjonijiet ewlenin:

(a)

kif il-protezzjoni tad-dejta hija indirizzata fil-Proposta;

(b)

l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom jiġu rikonoxxuti u aċċettati minn naħa għal oħra tal-fruntiera; u

(c)

l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta ta’ servizzi fiduċjarji elettroniċi li għandhom jiġu rikonoxxuti u aċċettati minn naħa għal oħra tal-fruntiera.

III.   Konklużjonijiet

50.

Il-KEPD jilqa’ l-Proposta peress li tista’ tikkontribwixxi għal rikonoxximent reċiproku (u aċċettazzjoni) ta’ servizzi fiduċjarji u skemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi fuq livell Ewropew. Jilqa’ wkoll l-istabbiliment ta’ sett komuni ta’ rekwiżiti li għandhom jintlaħqu mill-emittenti tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji. Minkejja l-appoġġ ġenerali tiegħu għall-Proposta, il-KEPD jixtieq jipprovdi r-rakkomandazzjonijiet ġenerali li ġejjin:

id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta inklużi fil-Proposta ma għandhomx jiġu ristretti għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji u għandhom japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta’ dejta personali fl-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika deskritti fil-Kapitolu II tal-Proposta;

ir-Regolament propost għandu jistabbilixxi sett komuni ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji u għall-emittenti tal-identifikazzjoni elettronika. Inkella, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni tiddefinixxi fejn ikun hemm bżonn, permezz tal-użu selettiv ta’ atti delegati jew miżuri ta’ implimentazzjoni, il-kriterji, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għas-sigurtà f’servizzi fiduċjarji u skemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi;

fornituri ta’ servizzi fiduċjarji elettroniċi u emittenti ta’ identifikazzjoni elettronika għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu lill-utenti tas-servizzi tagħhom b’: (i) informazzjoni xierqa dwar il-ġbir, il-komunikazzjoni, u ż-żamma tad-dejta tagħhom, kif ukoll (ii) mezz biex jikkontrollaw id-dejta personali tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-dejta;

il-KEPD jirrakkomanda inklużjoni aktar selettiva fil-Proposta tad-dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tispeċifika jew tiddefinixxi dispożizzjonijiet konkreti wara l-adozzjoni tar-Regolament propost permezz ta’ atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni.

51.

Xi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika għandhom ukoll jittejbu:

ir-Regolament propost għadu jispeċifika liema dejta jew kategoriji ta’ dejta sejrin jiġu pproċessati għall-identifikazzjoni transkonfinali ta’ individwi. Din l-ispeċifikazzjoni għandu jkun fiha mill-inqas l-istess livell ta’ dettall kif previst fl-annessi għal servizzi fiduċjarji oħra u għandha tqis ir-rispett lejn il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

is-salvagwardji meħtieġa għall-provvista ta’ skemi ta’ identifikazzjoni għandhom mill-inqas ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati;

il-Proposta għandha tistabbilixxi mekkaniżmi xierqa biex tistabbilixxi qafas għall-interoperabbiltà ta’ skemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni.

52.

Fl-aħħar nett, il-KEPD jagħmel ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tar-rekwiżiti għall-provvista u r-rikonoxximent ta’ servizzi fiduċjarji elettroniċi:

għandu jiġi speċifikat fir-rigward tas-servizzi elettroniċi kollha jekk id-dejta personali hijiex sejra tiġi pproċessata u, fil-każijiet fejn id-dejta personali sejra tiġi pproċessata, id-dejta jew il-kategoriji ta’ dejta li sejrin jiġu pproċessati;

ir-Regolament għandu jieħu salvagwardji xierqa biex jevita li xi kompetenzi tal-korpi ta’ sorveljanza għal servizzi fiduċjarji elettroniċi jikkoinċidu ma’ dawk tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data;

l-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji elettroniċi dwar ksur tad-dejta u inċidenti ta’ sigurtà għandhom ikunu konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva riveduta dwar il-privatezza elettronika u fir-Regolament propost dwar il-protezzjoni tad-dejta;

għandha tiġi pprovduta aktar ċarezza għad-definizzjoni ta’ entitajiet privati jew pubbliċi li jistgħu jaġixxu bħala partijiet terzi intitolati li jwettqu eżerċizzji ta’ awditjar skont l-Artikoli 16 u 17 jew li jistgħu jivverifikaw apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi skont l-Artikolu 23), kif ukoll dwar il-kriterji li fuqhom l-indipendenza ta’ dawn il-korpi sejra tiġi evalwata;.

ir-Regolament għandu jkun aktar preċiż fl-iffissar ta’ limitu ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta msemmija fl-Artikoli 19(2) u 19(4) (3).

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Settembru 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  COM(2012) 238 finali.

(2)  COM(2010) 245 tad-19.5.2010.

(3)  Skont l-Artikolu 19(2).g, fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jirreġistraw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar dejta maħruġa u riċevuta minnhom għal perjodu xieraq ta’ żmien. Skont l-Artikolu 19(4), fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti li tiddependi fuq iċ-ċertifikati b’informazzjoni dwar il-validità jew l-istatus ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom.


30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/9


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83, fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni jista' jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2013/C 28/05

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fis-16 ta' Awwissu 2012, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE/Euratom) Nru 354/83, fir-rigward tad-depożitu tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze (il-“Proposta”) (1). Il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għal konsultazzjoni fl-istess jum.

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-possibilità li jipprovdi kummenti informali. Ħafna minn dawn il-kummenti ttieħdu f'kunsiderazzjoni fil-Proposta. B'hekk, issaħħew is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta fil-Proposta. Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni kkonsultatu b'mod formali anki wara li ġiet adottata l-Proposta u li saret referenza għal din l-Opinjoni fil-preambolu tal-Proposta.

1.2.   Għanijiet u sfond tal-Proposta

3.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 tal-1 ta' Frar 1983 dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (2) (ir-“Regolament dwar l-Arkivji”) jeħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jistabbilixxu arkivji storiċi u li jiftħuhom għall-pubbliku ladarba jgħaddu 30 sena minn fuqhom. Ir-Regolament dwar l-Arkivji jippermetti lil kull istituzzjoni u korp iżomm l-arkivji storiċi tiegħu fi kwalunkwe post li jqisu li huwa l-iktar xieraq.

4.

L-għan tal-Proposta huwa li temenda r-Regolament dwar l-Arkivji u li trendi d-depożitu tal-arkivji fuq karta fl-Istitut Universitarju Ewropew f'Firenze (“EUI”) obbligatorju għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE (minbarra l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Bank Ċentrali Ewropew). Fil-fatt, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew diġà qegħdin jiddepożitaw l-arkivji tagħhom li għandhom fuq karta fl-EUI fuq il-bażi tal-arranġamenti kuntrattwali. B'hekk, hekk kif jispjega l-Memorandum ta' Spjegazzjoni, il-Proposta ma tbiddilx l-istatus quo iżda minflok, “għandha l-għan li tikkonferma r-rwol tal-EUI fil-ġestjoni tal-arkivji storiċi tal-istituzzjonijiet. Hija se toħloq bażi legali u finanzjarja soda għas-sħubija bejn l-UE u l-EUI.”

5.

Il-Proposta lanqas ma hi se tbiddel ir-regoli u l-proċeduri eżistenti li skont dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jiftħu l-arkivji storiċi għall-pubbliku wara 30 sena. Barra minn hekk, il-Proposta mhijiex sejra tibdel is-sjieda tal-arkivji storiċi, li ser tibqa' f'idejn l-istituzzjonijiet/korpi li jiddepożitaw. Fi ftit kliem: il-Proposta fiha emendi limitati u ffokati għar-Regolament dwar l-Arkivji, minflok ma tipproponi modernizzazzjoni u taqlib komprensivi.

1.3.   Relevanza għall-protezzjoni tad-dejta; għanijiet tal-Opinjoni tal-KEPD

6.

Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jipproċessaw ammonti vasti ta' dejta, inkluża dejta personali. Parti mid-dejta personali pproċessata tista' tkun partikolarment sensittiva minn perspettiva ta' protezzjoni tad-dejta (3) u/jew tista' tkun ingħatat lill-istituzzjonijiet jew il-korpi kkonċernati b'fiduċja, mingħajr ma kien mistenni li xi darba ser tkun disponibbli b'mod pubbliku: pereżempju, dejta personali li tinstab f'fajls mediċi jew personali tal-membri tal-persunal, jew dejta personali pproċessati b'rabta ma' proċeduri dixxiplinarji u dwar il-fastidju, awditjar intern, bosta tipi ta' lmenti jew petizzjonijiet, u investigazzjonijiet dwar negozjati, kompetizzjoni, ta' kontra l-frodi jew oħrajn.

7.

Ftit minn din id-dejta personali, inklużi partijiet minnha li prima facie jġibu magħhom riskji ikbar għall-individwi kkonċernati, jinqered wara perjodu ta' żmien speċifikat, ladarba dik id-dejta ma tibqax tintuża għall-fini inizjali li nġabret għalihom (jew għal finijiet “amministrattivi” oħrajn li huma kompatibbli).

8.

Madankollu, sehem notevoli tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, inkluża, possibbilment, id-dejta personali fihom, mhux ser jinqered iżda minflok, dawk id-dokumenti sejrin jiġu ttrasferiti fl-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea, u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal finijiet storiċi, statistiċi u xjentifiċi (4).

9.

Huwa importanti li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej ikollhom politiki ċari dwar liema dejta personali għandha jew m'għandhiex tmur fl-arkivji storiċi, u kif tiġi ssalvagwardjata dik id-dejta personali li ser tiġi ppreservata u titqiegħed għad-dispożizzjoni b'mod pubbliku permezz tal-arkivji storiċi. Dawn il-politiki għandhom bżonn jiżguraw protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali tal-individwi kkonċernati, u jibbilanċjaw il-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet fundamentali bid-dritt ta' aċċess għal dokumenti u l-interessi leġittimi fir-riċerka storika.

10.

Bħalissa, għad li l-ġestjoni tad-dokumenti, iż-żamma ta' dejta u l-politiki tal-arkivjar jeżistu f'ħafna istituzzjonijiet u korpi Ewropej (ara, pereżempju, il-Lista ta' Konservazzjoni Komuni (“CCL”), dokument amministrattiv intern maħruġ mill-Kummissjoni (5)), dawn il-politiki jipprovdu biss gwida limitata dwar il-protezzjoni tad-dejta. Is-CCL u dokumenti simili għandhom ikomplu jiġu żviluppati jew ikkomplimentati bi gwida iktar speċifika u definita dwar il-protezzjoni tad-dejta.

11.

Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-politiki eżistenti huma mfassla f'dokumenti interni, minflok strument leġiżlattiv adottat mill-Kunsill u l-Parlament. Tabilħaqq, minbarra referenza fil-qosor fl-Artikolu 2(1) tiegħu għal “dokumenti li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-privatezza u l-integrita tal-individwu, kif definiti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6),” it-test attwali tar-Regolament dwar l-Arkivji ma jispeċifikax x'dejta personali tista' tiġi ttrasferita fl-arkivji storiċi, u li, eventwalment, tiġi ddivulgata għall-pubbliku.

12.

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, min-naħa tiegħu, irid jiġi interpretat skont il-liġijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 45/2001, u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, id-deċiżjoni dwar x'dejta personali għandha titqiegħed fl-arkivji storiċi teħtieġ analiżi kumplessa każ b'każ.

13.

Bħalissa għaddejjin ir-reviżjoni tad-Direttiva 95/46/KE (7) kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u mbagħad meta jasal iż-żmien ikun imiss ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Filwaqt li hemm it-tama li dawn il-bidliet leġiżlattivi jikkontribwixxu għal ċarezza, minħabba l-għamla ġenerali tagħhom, mhuwiex probabbli li ser jipprovdu gwida speċifika biżżejjed għall-isituzzjonijiet u l-korpi Ewropej fir-rigward tal-prattiki tal-arkivjar tagħhom. Dwar ir-Regolament tal-Arkivji nnifsu, il-Kummissjoni pproponiet emendi limitati biss, li ma jaffettwawx l-Artikolu 2(1) u dispożizzjonijiet sostantivi oħrajn.

14.

F'din l-Opinjoni, il-KEPD ser jissuġġerixxi xi bidliet iffokati li jistgħu jiġu inklużi fil-mument tar-reviżjoni attwali iktar limitata tar-Regolament dwar l-Arkivji. Barra minn hekk, ser jixħet dawl fuq il-bżonn għal adozzjoni ta' miżuri speċifiċi, inklużi regoli ta' implimentazzjoni adegwati, biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta jkunu indirizzati b'mod effettiv fil-kuntest ta' żamma leġittima tar-rekords għal finijiet storiċi.

15.

Biex tipprovdi kuntest, it-Taqsima 2 ser tiddiskuti fil-qosor ċerti kwistjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta u xejriet attwali marbutin mal-ftuħ u d-diġitalizzazzjoni tal-arkivji storiċi tal-UE, l-anonimizzazzjoni u d-deanonimizzazzjoni, kif ukoll l-inizjattivi miftuħin tal-Kummissjoni fuq il-dejta.

10.   Konklużjonijiet

65.

Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-Proposta tindirizza kwistjonijiet marbutin mal-protezzjoni tad-dejta, li b'mod partikolari jinvolvu:

id-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli,

id-determinazzjoni tal-awtorità ta' sorveljanza,

l-ispeċifikazzjoni tar-rwol tal-EUI bħala proċessur, u

ir-rekwiżit ta' adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni biex jindirizzaw kwistjonijiet marbutin mal-protezzjoni tad-dejta fil-livell prattiku.

66.

Biex jindirizza l-kwistjonijiet marbutin mal-protezzjoni tad-dejta li jifdal, il-KEPD jirrakkomanda li l-emenda proposta għar-Regolament dwar l-Arkivji:

tispeċifika l-għanijiet ewlenin u l-kontenut minimu tar-regoli ta' implimentazzjoni kif ukoll il-proċedura għall-adozzjoni tagħhom, inkluża struttura ta' governanza biex jiġi żgurat approċċ armonizzat u kkoordinat, perjodu ta' żmien ċar għal adozzjoni, u konsultazzjoni tal-KEPD;

tiċċara r-regoli applikabbli għas-sigurtà tad-dejta personali miżmuma fl-arkivji storiċi;

tipprovdi salvagwardji fir-rigward tal-arkivji prattiki miżmuma mill-EUI, u

tal-inqas tipprovdi xi kjarifiki minimi fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-privatezza li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Arkivji.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2012.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 456 finali.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 (ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1).

(3)  Bħal ‘kategoriji speċjali ta' data’ skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(4)  L-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Arkivji jipprovdi definizzjoni kemm għal “arkivji” kif ukoll għal “arkivji storiċi” (tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE). L-arkivji huma ddefiniti bħala “dawk id-dokumenti kollha, ta’ kull tip u ta’ kull forma, li oriġinaw minn jew li kienu riċevuti minn waħda mill-istituzzjonijiet jew mir-rappreżentanti jew impjegati tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom, u li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet tal-(UE)”. Min-naħa tagħhom, l-arkivji storiċi huma ddefiniti bħala “dik il-parti mill-arkivji [tal-istituzzjonijiet] li kienu magħżula … għall-preservazzjoni permanenti” … “mhux aktar tard minn 15-il sena wara d-data tal-ħolqien tagħhom”, permezz ta' “proċess inizjali ta’ tqassim bl-iskop li jiġu separati dawk id-dokumenti li għandhom ikunu preservati minn dawk id-dokumenti li ma għandhom l-ebda valur storiku jew amministrattiv”.

(5)  SEC (2007)970, adottat fl-4 ta' Lulju 2007, li qiegħed jiġi revedut bħalissa. Ara wkoll il-Kummenti tal-KEPD tas-7 ta' Mejju 2007 dwar l-abbozz tas-CCL tal-2007 fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Supervision/Adminmeasures/2007/07-05-07_commentaires_liste_conservation_EN.pdf

(6)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(7)  Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (COM(2012) 11 finali). Ara wkoll l-Opinjoni tal-KEPD tas-7 ta' Marzu 2012 dwar il-pakkett ta' riforma tal-protezzjoni tad-dejta, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/Consultation/Reform_package;jsessionid=46ACCFDB9005EB950DF9C7D58BDE5377


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/12


Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri kompensatorji

2013/C 28/06

1.   Kif stipulat fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 (1) dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea tavża li, sakemm ma tinbediex reviżjoni skont il-proċedura li ġejja, il-miżuri kompensatorji msemmija hawn taħt jiskadu fid-data msemmija fit-tabella hawn taħt.

2.   Proċedura

IL-produtturi tal-Unjoni jistgħu jressqu talba bil-miktub għal reviżjoni. Din it-talba jrid ikun fiha biżżejjed evidenza li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx jirriżultaw f'kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidju u l-ħsara.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrevedi l-miżuri kkonċernati, l-importaturi, l-esportaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u l-produtturi tal-Unjoni mbagħad jiġu pprovduti bl-opportunità li jamplifikaw, jopponu jew jikkummentaw fuq il-kwistjonijiet stabbiliti fit-talba għar-reviżjoni.

3.   Limitu ta’ żmien

Il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jressqu talba bil-miktub għal reviżjoni abbażi ta’ dak li ssemma hawn fuq, biex tasal għand il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (l-Unità H-1), N-105 8/20, 1049 Brussell, Belgium (2) fi kwalunkwe żmien mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż preżenti iżda mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data msemmija fit-tabella hawn taħt.

4.   Dan l-avviż hu ppublikat skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009.

Prodott

Pajjiż(i) ta’ oriġini jew ta' esportazzjoni

Miżuri

Referenza

Data ta’ skadenza (3)

Aċidu sulfaniliku

L-Indja

Dazju kompensatorju

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1010/2008 (ĠU L 276, 17.10.2008, p. 3)

18.10.2013

 

 

Impriża

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 52)

 


(1)  ĠU L 188,18.7.2009, p. 93.

(2)  Tel. +32 22956505.

(3)  Il-miżura tiskadi f’nofsillejl tal-ġurnata msemmija f’din il-kolonna.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

30.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/13


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6812 – SFPI/Dexia)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 28/07

1.

Fit-18 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha il-fond ta’ investiment tal-Istat Belġjan Société Fédérale de Participations et d’Investissement/Federale Participatie- en Investeringsmaatschappij (“SFPIi”, il-Belġju), takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ tal-impriża Dexia SA/NV (“Dexia”, il-Belġju) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

SFPI: investimenti f’kumpaniji pubbliċi u privati ta’ interess strateġiku, f’isimha u f’isem l-Istat Belġjan,

Dexia: servizzi finanzjarji, partikolarment fil-finanzi pubbliċi, inkluż il-finanzjament tal-proġetti, u ġestjoni tal-assi f’diversi pajjiżi, l-aktar fi Franza, permezz ta’ għadd ta’ sussidjarji.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6812 – SFPI/Dexia, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).