ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.CE2012.352.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 352E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
16 ta' Novembru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

2012/C 352E/01

Pożizzjoni (UE) Nru 10/2012 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà
Adottata mill-Kunsill fl-4 ta’ Ottubru 2012

1

2012/C 352E/02

Pożizzjoni (UE) Nru 11/2012 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi
Adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2012

23

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

16.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 352/1


POŻIZZJONI (UE) Nru 10/2012 TAL-KUNSILL

fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà

Adottata mill-Kunsill fl-4 ta’ Ottubru 2012

(10/2012/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li kien adottat bħala rispons għall-aċċident tat-tanker taż-żejt “Erika”, stabbilixxa Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”) sabiex ikun żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima u ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis mill-bastimenti.

(2)

Wara l-aċċident tat-tanker taż-żejt “Prestige” fl-2002, ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 ġie mmodifikat biex l-Aġenzija tingħata aktar kompiti fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis.

(3)

Jeħtieġ li jiġi ċċarat liema tipi ta’ tniġġis marin għandhom jaqgħu fi ħdan l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. Għalhekk, it-tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass għandu jitqies bħala tniġġis minn żejt jew kwalunkwe sustanza li mhix żejt li, jekk introdotta fl-ambjent marin, x’aktarx toħloq perikli għas-saħħa tal-bniedem, tagħmel ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ħajja marina, tiddanneġġa kumditajiet jew tinterferixxi f’użu leġittimi oħra tal-baħar, kif stabbilit mill-Protokoll dwar l-Istat ta’ Tħejjija, ir-Reazzjoni u l-Kooperazzjoni għall-Aċċidenti ta’ Tniġġis minn sustanzi Perikolużi u Noċivi, 2000.

(4)

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija (il-“Bord Amministrattiv”) fl-2007 kkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, f’Ġunju 2008, huwa ħareġ rakkomandazzjonijiet rigward bidliet għall-funzjonament tal-Aġenzija, għall-oqsma ta’ kompetenza tagħha u għall-prattiki ta’ ħidma tagħha.

(5)

Abbażi tas-sejbiet tal-evalwazzjoni esterna, u tar-rakkomandazzjonijiet, u tal-istrateġija pluriennali adottati mill-Bord Amministrattiv f’Marzu 2010, uħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandhom jiġu ċċarati u aġġornati. Filwaqt li tiffoka fuq il-kompiti prijoritarji tagħha fil-qasam tas-sikurezza marittima, l-Aġenzija għandha tirċievi numru ta’ kompiti ċentrali u anċillari ġodda li jirriflettu l-iżvilupp tal-politika dwar is-sikurezza marittima fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali. Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji li qed taffaċċja l-Unjoni, huma meħtieġa sforzi konsiderevoli ta’ eżamijiet bir-reqqa u ta’ ridistribuzzjoni sabiex tkun iggarantita l-effiċjenza fl-infiq u fil-baġit u tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni. Ħtiġijiet ta’ persunal għal kompiti ċentrali u anċillari ġodda għandhom, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ikunu koperti permezz ta’ ridistribuzzjoni interna mill-Aġenzija. Fl-istess ħin, l-Aġenzija għandha tirċievi, fejn xieraq, finanzjament minn partijiet oħra tal-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Istrument Ewropew ta’ Politika tal-Viċinat. It-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ċentrali u anċillari ġdid mill-Aġenzija ser isir fi ħdan il-limiti tal-Perspettiva Finanzjarja attwali u l-baġit tal-Aġenzija mingħajr preġudizzju għan-negozjati u d-deċiżjonijiet dwar il-qafas finanzjarju pluriennali futur. Peress li dan ir-Regolament mhuwiex deċiżjoni ta’ finanzjament, l-Awtorità Baġitarja għandha tiddeċiedi dwar ir-riżorsi għall-Aġenzija fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali.

(6)

Il-kompiti tal-Aġenzija għandhom jiġu deskritti b’mod ċar u preċiż, u kwalunkew duplikazzjoni ta’ kompiti għandha tiġi evitata.

(7)

L-Aġenzija wriet li ċerti kompiti jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti fil-livell Ewropew, u dan jista’ f’ċerti każi, joffri lill-Istati Membri ffrankar fuq il-baġits nazzjonali tagħhom u, fejn muri, jirrappreżenta valur miżjud Ewropew ġenwin.

(8)

Xi dispożizzjonijiet dwar il-governanza speċifika tal-Aġezija għandhom jiġu ċċarati. B’kont meħud tar-responsabbiltà speċjali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattat dwar il-Funzjanament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida għall-politika lill-Aġenzija fit-twettiq tal-kompiti tagħha filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ l-istatus legali tal-Aġenzija u l-indipendenza tad-Direttur Eżekuttiv tagħha kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

(9)

Meta jinħatru membri tal-Bord Amministrattiv, jiġu eletti l-President u l-Viċi President tal-Bord Amministrattiv u jinħatru l-Kapijiet tad-Dipartiment, għandu jittieħed kont sħiħ tal-importanza li tiġi żgurata rappreżentazzjoni ekwilibrata tas-sessi.

(10)

Kwalunkwe referenza għal atti legali rilevanti tal-Unjoni għandha tinftiehem li tirreferi għal atti fil-qasam tas-sigurtà marittima, is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni ta’, u r-reazzjoni għal, tniġġis ikkawżat minn bastimenti kif ukoll ir-reazzjoni għal tniġġis marin ikkawżat mill-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

(11)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “sigurtà marittima” għandha tinftiehem — skont ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (4) — bħala l-miżuri preventivi kombinati maħsuba biex jiġu protetti t-trasport marittimu u l-faċilitajiet fil-portijiet kontra t-theddid ta’ atti illegali intenzjonali. L-objettiv ta’ sigurtà għandu jinkiseb billi jiġu adottati miżuri xierqa fil-qasam tal-politika tat-trasport marittimu, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika, u fil-ġlieda kontra reati finanzjarji kontra l-istat.

(12)

L-Aġenzija għandha taġixxi fl-interessi tal-Unjoni. Dan għandu jinkludi s-sitwazzjoni meta l-Aġenzija tingħata l-kompitu li taġixxi barra mit-territorju tal-Istati Membri fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha u li tipprovdi assistenza teknika lil pajjiżi terzi rilevanti, fil-promozzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar is-sikurezza marittima.

(13)

L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri li għandha tiffaċilita l-istabbiliment tal-kapaċità nazzjonali meħtieġa biex jiġi implimentat l-acquis tal-Unjoni.

(14)

L-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza operattiva lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Dan għandu jinkludi servizzi bħas-Sistema ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimi tal-Unjoni (SafeSeaNet), is-Servizz Ewropew ta’ Monitoraġġ għaż-Żejt bis-Satellita (CleanSeaNet), iċ-Ċentru tad-Data tal-Unjoni Ewropea għall-Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod (Ċentru ta’ Data LRIT tal-UE) u l-bażi ta’ data għall-ispezzjonijiet tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-UE (Thetis).

(15)

L-għarfien espert tal-Aġenzija fit-trasmissjoni tad-data elettronika u fis-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni marittima għandu jintuża biex jiġu ssimplifikati formalitajiet għal bastimenti bil-ħsieb tal-eliminazzjoni ta’ ostakoli għat-transport marittimu u l-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli. B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (5).

(16)

L-Aġenzija għandha ttejjeb l-assistenza tagħha lill-Kummissjoni rigward l-attivitajiet ta’ riċerka relatati mal-oqsma tal-kompetenzi tagħha. Madankollu, għandu jiġi evitat xogħol doppju fir-rigward tal-qafas ta’ riċerka eżistenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Aġenzija m’għandhiex tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-proġetti ta’ riċerka.

(17)

Fid-dawl tal-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi ġodda innovattivi u t-titjib tal-applikazzjoni u servizzi eżistenti, u bil-ħsieb tal-implimentazzjoni ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli, l-Aġenzija għandha tagħmel użu sħiħ tal-potenzjal offrut mill-programmi ta’ navigazzjoni bis-satellita Ewropej (EGNOS, Galileo) u mill-programm ta’ Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES).

(18)

Wara l-iskadenza tal-qafas tal-Unjoni għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tniġġis marin aċċidentali jew deliberat stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Aġenzija għandha tkompli wħud mill-attivitajiet li wettqet preċedentement taħt dak il-qafas billi tagħmel użu, b’mod partikolari, mill-għarfien espert fi ħdan il-Grupp Tekniku Konsultattiv għall-Istat ta’ Tħejjija u għar-Reazzjoni għat-Tniġġis Marin. L-attivitajiet tal-Aġenzija f’dan il-qasam m’għandhomx inaqqsu mir-responsabbilitajiet tal-istati tal-kosta li jkollhom mekkaniżmi ta’ reazzjoni xierqa għat-tniġġis u għandhom jirrispettaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri jew gruppi ta’ Stati Membri.

(19)

Fuq talba, l-Aġenzija tipprovdi lill-Istati Membri informazzjoni dettaljata dwar każi potenzjali ta’ tniġġis minn bastimenti permezz tal-CleanSeaNet sabiex tippermettilhom iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (7). Madankollu, l-effikaċja tal-infurzar tvarja bil-kbir minkejja li tali tniġġis għandu potenzjal li jispiċċa f’ilmijiet nazzjonali oħra. Fir-rapport li jmiss taħt l-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha għalhekk tipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effikaċja u l-konsistenza tal-infurzar ta’ dik id-Direttiva u informazzjoni oħra rilevanti dwar l-applikazzjoni tagħha.

(20)

It-talbiet minn Stati affettwati għall-mobbilizzazzjoni ta’ azzjonijiet kontra t-tniġġis mill-Aġenzija għandhom jiġu trażmessi permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Eurotom (8). Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li f’ċirkostanzi minbarra talbiet għall-mobbilizzazzjoni ta’ bastimenti u tagħmir permanenti għal kontra t-tniġġis, mezzi alternattivi ta’ komunikazzjoni bl-użu ta’ tekonolġija tal-informazzjoni avvanzata jistgħu jkunu aktar xierqa u, għalhekk, tista’ tinforma lill-Istat Membru rikjedenti.

(21)

Avvenimenti reċenti enfasizzaw ir-riskji tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u produzzjoni offshore ta’ żejt u ta’ gass għat-trasport marittimu u għall-ambjent marin. Il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni tal-Aġenzija għat-tniġġus miż-żejt u l-għarfien espert tagħha fil-qasam tat-tniġġis minn sustanzi perikolużi u noċivi għandhom jintużaw biex titkopra r-reazzjoni għat-tniġġis li joriġina minn tali attivitajiet, fuq talba tal-istat affettwat.

(22)

B’mod partikolari, il-CleanSeaNet, li hija attwalment użata biex tipprovdi evidenza ta’ tixrid taż-żejt minn bastimenti, għandha tintuża wkoll mill-Aġenzija għall-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ tixrid taż-żejt minn attivitajiet ta’ produzzjoni u esplorazzjoni offshore ta’ żejt u ta’ gass, mingħajr ma jiġu kkawżati effetti detrimentali lis-servizz pprovdut għat-trasport marittimu.

(23)

L-Aġenzija stabbilixxiet u rrikonoxxiet għarfien espert u għodod siewja fl-oqsma tas- sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni u r-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti. Dan l-għarfien espert u dawn l-għodod jistgħu jkunu rilevanti għal attivitajiet oħra tal-Unjoni marbuta mal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport marittimu. L-Aġenżija għandha għalhekk tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta jitolbu dan fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-Unjoni bħal dawn bil-kondizzjoni li l-Bord Amministrattiv ikun approva dan fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija. Tali assistenza għandha tkun soġġetta għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż/benefiċċji u m’għandhomx ikunu detrimentali għall-kompiti ċentrali tal-Aġenzija.

(24)

Permezz tal-assistenza teknika li l-Aġenzija tipprovdi, hija tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ trasport marittimu aktar favorevoli għall-ambjent.

(25)

Fir-rigward ta’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni, ħafna mis-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni jittrattaw kemm bastimenti marittimi kif ukoll ta’ navigazzjoni interna. Abbażi tal-esperjenza tal-Aġenzija ma’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għal bastimenti marittimi, l-Aġenzija tista’ tagħti informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għal bastimenti ta’ navigazzjoni interna u b’hekk tippermetti titjib fl-effiċjenza.

(26)

Fir-rigward tal-interfaċċja bejn is-sistemi ta’ informazzjoni għat-trasport, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri billi tesplora, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti għas-Sistema ta’ Servizzi tal-Informazzjoni dwar ix-Xmajjar, il-possibbiltà ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn tali sistemi.

(27)

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Marittima elettronika futura, li għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza tas-settur tat-trasport marittimu Ewropew billi tiffaċilita l-użu tat-teknoloġiji avvanzati ta’ informazzjoni.

(28)

Bil-ħsieb li jinkiseb suq uniku u Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli, għandhom jitnaqqsu piżijiet amministrattivi fuq it-trasport marittimu, biex b’hekk inter alia jiġi inkoraġġit it-trasport marittimu fuq distanza qasira. F’dan il-kuntest, il-kunċett “Blue Belt” u l-inizjattiva Marittima elettronika jistgħu jintużaw potenzjalment bħala mezz biex jitnaqqsu l-formalitajiet ta’ rappurtar meħtieġa minn bastimenti kummerċjali mad-dħul u t-tluq minn portijiet fl-Istati Membri.

(29)

Huwa mfakkar li skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-ekwilibriju istituzzjonali, ma tistax tiġi konferita lil aġenzija is-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali.

(30)

Mingħajr preġudizzju għall-objettivi u l-kompiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, il-Kummissjioni għandha tħejji u tippreżenta, fi żmien sena waħda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti, studju ta’ fattibbiltà bil-ħsieb li jiġu evalwati u identifikati l-possibbiltajiet li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ funzjonijiet differenti tal-gwardji tal-kosta. Dak l-istudju għandu jieħu kont tal-qafas legali eżistenti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti mill-fora xierqa tal-Unjoni kif ukoll l-izvilupp attwali tal-Ambjent Komuni għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni (CISE) u għandu jirrispetta b’mod sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, filwaqt li jagħmel l-ispejjeż u l-benefiċċji ċari għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(31)

Li jiġu attirati baħħara Ewropej imħarrġa huwa importanti għall-kompetittività tal-clusters marittimi tal-Unjoni. Għalhekk, fid-dawl tad-domanda attwali u futura fl-Unjoni għal baħħara kkawlifikati ħafna, l-Aġenzija għandha, jekk xieraq, tappoġġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tat-taħriġ marittimu billi tiffaċilita l-iskambju volontarju tal-aħjar prattika u billi tipprovdi informazzjoni dwar programmi ta’ skambju tal-Unjoni dwar it-taħriġ marittimu. Dan jista’ jinkludi assistenza lil partijiet interessati kompetenti Ewropej biex tintlaħaq l-eċċellenza għal edukazzjoni u taħriġ marittimu fuq bażi volontarja, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ marittimu.

(32)

Sabiex jiġi miġġieled ir-riskju li dejjem qed jikber tal-piraterija, l-Aġenzija għandha tkompli, fejn xieraq, tibgħat lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lil korpi rilevanti oħra, inklużi operazzjonijiet bħall-operazzjoni tal-Qawwa Navali tal-UE Atalanta, informazzjoni dettaljata dwar il-pożizzjoni ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri u li jkunu għaddejjin minn żoni, li huma kklassifiakti bħala perikolużi ħafna. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha mezzi għad-dispożizzjoni tagħha li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju, b’mod partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp tal-CISE. Huwa għalhekk xieraq li l-Aġenzija għandha tipprovdi, fuq talba, il-pożizzjoni rilevanti tal-bastimenti u d-data dwar l-osservazzjoni tad-dinja lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-korpi tal-Unjoni, bħal Frontex u l-Europol, biex tiffaċilita miżuri ta’ prevenzjoni kontra atti illegali intenzjonali kif mifhum fil-liġi rilevanti tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u f’konformità mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli, b’mod partikolari rigward dawk il-korpi li jitolbu d-data. Il-provvediment ta’ data tal- identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ bastimenti (LRIT) għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, f’konformità mal-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv.

(33)

Meta tiġi pubblikata informazzjoni dwar il-kontroll tal-Istat tal-port skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (9), il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jibnu fuq l-għarfien espert u l-esperjenza miksuba taħt il-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (“il-MtF ta’ Pariġi”) biex tiġi żgurata l-konsistenza.

(34)

L-assistenza tal-Aġenzija lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħidma rilevanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali għandha tkun mingħajr preġudizzju lejn ir-relazzjoni bejn dawk l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri li tirriżulta mis-sħubija tal-Istati Membri f’dawk l-organizzazzjonijiet.

(35)

L-Unjoni aderixxiet għall-istruemnti li ġejjin, li jistabbilixxu organizzazzjonijiet reġjonali, li l-attivitajiet tagħhom huma wkoll koperti mill-objettivi tal-Aġenzija: il-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (10); il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis (Il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) (11), u r-reviżjoni tagħha tal-1995 (12) u għal għadd ta’ protokolli tagħha; il-Ftehim għall-koperazzjoni dwar kif jiġi trattat it-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana bħala riżultat taż-żejt u ta’ sustanzi oħra perikoluż (Ftehim ta’ Bonn) (13); il-Konvenzjoni għal ħarsien tal-ambjent marittimu tal-Grigal tal-Atlantiku (Konvenzjoni OSPAR) (14); il-Ftehim ta’ Koperazzjoni dwar il-protezzjoni mit-tniġġis tax-xtut u l-ibħra fil-grigal tal-Atlantiku, iffirmat fis-17 ta’ Ottubru 1990 (Ftehim ta’ Lisbona) (15), flimkien mal-Protokoll Addizzjonali għalih, iffirmat fl-20 ta’ Mejju 2008, li għadhom ma daħlux fis-seħħ (16). L-Unjoni qed tinnegozja wkoll l-adeżjoni għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis, iffirmata f’April 1992 (Konvenzjoni ta’ Bukarest). L-Aġenzija għandha b’hekk tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu sehem fil-ħidma ta’ dawk l-organizzazzjonijiet reġjonali.

(36)

Minbarra dawk l-organizzazzjonijiet reġjonali, jeżistu għadd ta’ arranġamenti oħra ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni reġjonali, sottoreġjonali u bilaterali oħra fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis. Meta tingħata assistenza fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis lil pajjiżi terzi li jikkondividu baċin tal-baħar reġjonali mal-Unjoni, l-Aġenzija għandha taġixxi billi tieħu kont ta’ dawn l-arranġamenti.

(37)

L-Unjoni tikkondividi dawn il-baċini tal-baħar reġjonali ma’ pajjiżi ġirien: il-Baħar Mediterran, il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Baltiku. Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis lil dawn il-pajjiżi.

(38)

Sabiex timmassimizza l-effiċjenza, l-Aġenzija għandha tikkoopera kemm jista’ jkun mill-qrib fil-kuntest tal-MtF ta’ Pariġi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jeżaminaw kwalunkwe opzjoni għal aktar kisbiet tal-effiċjenza, li jistgħu jiġu proposti għal konsiderazzjoni fil-qafas tal-MtF ta’ Pariġi.

(39)

Sabiex jiġi żgurat li l-atti legali vinkolanti tal-Unjoni fl-oqsma ta’ sigurtà marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti jiġu implimentati b’mod korrett fil-prattika, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni billi twettaq żjajjar fl-Istati Membri. Dawn iż-żjajjar lill-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jippermettu lill-Aġenzija tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippreżenta rapport komprensiv lill-Kummissjoni għal valutazzjoni ulterjuri tiegħu. Iż-żjajjar għandhom jitwettqu fl-ispirtu tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għandhom jiġu kkoordinati b’tali mod biex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-amministrazzjonijiet marittimi nazzjonali. Barra minn hekk iż-żjajjar għandhom isiru skont proċedura stabbilita li tinkludi metodoloġija standard kif adottata mill-Bord Amministrattiv.

(40)

L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni billi twettaq spezzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (17). Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu wkoll isiru f’pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw li l-Istati Membri kkonċernati jiġu infurmati kif dovut. L-Aġenzija għandha twettaq ukoll il-kompiti tal-ispezzjonijiet fir-rigward tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni ta’ baħħara f’pajjiżi terzi skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (18), li l-Kummissjoni ddelegat lill-Aġenzija. Dettalji tal-assistenza teknika mogħtija mill-Aġenzija lill-ispezzjonijiet ta’ sigurtà marittima magħmula mill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 tad-9 ta’ April 2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima (19) ma għandhomx jiġu koperti mir-Regolament (KE) No 1406/2002.

(41)

Sabiex tiġi żgurata koerenza mal-objettivi tal-politika u l-istabbiliment istituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll mal-applikazzjoni amministrattiva u l-proċeduri finanzjarji, il-Kummissjoni għandha toħroġ parir formali fil-forma ta’ opinjoni bil-miktub dwar l-abbozz ta’ strateġija pluriennali tal-Aġenzija u l-abbozz ta’ programmi ta’ ħidma annwali, li l-Bord Amministrattiv għandu jqis qabel ma jadotta dawk id-dokumenti.

(42)

Sabiex tiġi żgurata proċedura ġusta u trasparenti għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv, il-proċedura ta’ selezzjoni li għandha tiġi segwita għandha tkun f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għas-selezzjoni u n-nomina ta’ Diretturi għall-aġenziji tal-Unjoni. Dawn il-linji gwida jipprevedu li ċ-ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru jistgħu jippreżentaw applikazzjoni.

Għall-istess raġunijiet, il-Bord Amministrattiv għandu jiġi rrappreżentat minn osservatur fil-kumitat ta’ preselezzjoni. L-osservatur għandu jinżamm infurmat matul l-istadji ulterjuri tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Fil-mument li l-Bord Amministrattiv jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar il-ħtir, il-membri tiegħu għandhom ikunu jistgħu jagħmlu mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ selezzjoni. Barra minn hekk, il-Bord Amministrattiv għandu jkollu l-opportunità li jintervista l-kandidati magħżula, skont il-prattika standard.

Fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni u l-ħatra għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-partijiet involuti kollha għandhom jiżguraw li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ tali data (20).

(43)

Filwaqt li l-Aġenzija hija prinċipalment iffinanzjata permezz ta’ kontribut mill-Unjoni, hija għandha wkoll dħul li jirriżulta minn ħlasijiet u tariffi relatati mas-servizzi tagħha. Dawk il-ħlasijiet u t-tariffi huma relatati b’mod partikolari għall-operazzjoni taċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE u jiġu applikati skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill adottata fl-1 u t-2 ta’ Ottubru 2007 u d-9 ta’ Diċembru 2008 relatata mal-istabbiliment taċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE u b’mod partikolari mal-paragrafi relatati mal-finanzjament ta’ rappori dwar il-LRIT.

(44)

Fil-qafas tar-rapport ta’ progress previst fir-Regolament (KE) No 1406/2002, il-Kummissjoni għandha wkoll teżamina l-kontribut tal-potenzjal tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni ta’ att futur leġislattiv dwar is-sigurtà ta’ attivitajiet ta’ prospezzjoni, esplorazzjoni u produzzjoni offshore ta’ żejt u ta’ gass, li attwalment qed jiġu eżaminati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass, b’kont meħud tal-għarfien espert u għodod tal-Aġenezija li huma stabbiliti u rikonoxxuti.

(45)

L-attivitajiet tal-Aġenzija għandhom, fejn xieraq, jikkontribwixxu wkoll għall-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli.

(46)

Għandu jittieħed kont tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (21), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu.

(47)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1406/2002

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 1 sa 3 għandhom jinbidlu b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 1

Objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (‘l-Aġenzija’) għall-finijiet tal-assigurazzjoni ta’ livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sigurtà marittima, sikurezza marittima, prevenzjoni, u reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti kif ukoll reazzjoni għal tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

2.   Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tikkoopera mal-Istati Membru u l-Kummissjoni u tagħtihom assistenza teknika, operattiva u xjentifika fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fi ħdan il-limiti tal-kompiti ċentrali stabbiliti fl-Artikolu 2 u, kif u meta applikabbli, il-kompiti anċillari stipulati fl-Artikolu 2a, b’mod partikolari sabiex tingħata assistenza lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni japplikaw korrettament l-atti legali rilevanti tal-Unjoni. Fir-rigward tal-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis, l-Aġenzija għandha tipprovdi assistenza operattiva biss fuq it-talba tal-Istat(i) milqut/a.

3.   Bl-għoti tal-assistenza msemmija fil-paragrafu 2, l-Aġenzija għandha, fejn xieraq, tikkontribwixxi għall-effiċjenza tat-traffiku marittimu u trasport marittimu kif stabbilit f’dan ir-Regomanet, sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli.

Artikolu 2

Kompiti ċentrali tal-Aġenzija

1.   Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi fl-Artikolu 1 ikunu sodisfatti b’mod xieraq, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti ċentrali elenkati f’dan l-Artikolu.

2.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni:

(a)

fil-ħidma preparatorja għall-aġġornament u l-iżvilupp tal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari skont l-iżvilupp tal-leġislazzjoni interna;

(b)

fl-implimentazzjoni effettiva tal-atti legali vinkolanti rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari billi twettaq żjajjar u spezzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u billi tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti ta’ spezzjoni assenjati lilha skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (22). F’dan ir-rigward, tista’ tindirizza suġġerimenti lill-Kummissjoni għal kwalunkwe titjib possibbli ta’ dawk l-atti legali vinkolanti;

(c)

fl-analiżi tal-proġetti li għaddejjin u li tlestew rilevanti għall-objettivi tal-Aġenzija; dawn jistgħu jinkludu l-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ segwitu possibbli li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka speċifiċi;

(d)

fit-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu assenjat lill-Kummissjoni f’atti leġislattivi tal-Unjoni fir-rigward tal-objettivi tal-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha taħdem mal-Istati Membri biex:

(a)

torganizza, fejn xieraq, attivitajiet rilevanti ta’ taħriġ f’oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri;

(b)

tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi, inkluż il-forniment ta’ servizzi operattivi rilevanti, u tagħti assistenza teknika, għall-bini tal-kapaċità nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ atti legali rilevanti tal-Unjoni;

(c)

tipprovdi, fuq it-talba ta’ Stat Membru, informazzjoni xierqa li tirriżulta mill-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 sabiex tappoġġa l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jwettqu kompiti ta’ ċertifikazzjoni f’isem l-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittimi (23) mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istat tal-bandiera;

(d)

tappoġġja b’mezzi addizzjonali u b’mod kosteffiċjenti azzjonijiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti kif ukoll tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, meta tkun tressqet talba mill-Istat Membru affettwat li l-operazzjonijiet ta’ tindif ikunu twettqu taħt l-awtorità tiegħu, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta’ Stati kostali li jkollhom mekkaniżmi adatti ta’ reazzjoni għat-tniġġis fis-seħħ filwaqt li jirrispettaw il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. Kif xieraq, it-talbiet għall-mobbilizzazzjoni ta’ azzjonijiet kontra t-tniġġis għandhom jgħaddu mill-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom (24).

4.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni:

(a)

fil-qasam tal-monitoraġġ tat-traffiku kopert mid-Direttiva 2002/59/KE, l-Aġenzija għandha b’mod partikolari tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati ta’ xtut ix-xmajjar fiż-żoni ta’ tbaħħir ikkonċernati, kif ukoll tiżviluppa u topera ċ-Ċentru tad-Data tal-Unjoni Ewropea għall-Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod ta’ Bastimenti (Ċentru Ewropew tad-Data LRIT) u s-Sistema tal-Unjoni ta’ Informazzjoni u ta’ Skambju Marittimai (SafeSeaNet) kif imsemmija fl-Artikolu 6b u 22a tad-Direttiva kif ukoll is-sistema ta’ skambju ta’ data tal-Identifikazzjoni u l-Ittraċċar Internazzjonali tal-Bastimenti minn Distanza Twila skont l-impenn li ttieħed fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (‘IMO’);

(b)

billi tagħti, fuq talba u mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, il-pożizzjoni rilevanti tal-bastimenti u d-data dwar l-osservazzjoni tad-dinja lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-korpi rilevanti tal-Unjoni fil-madnat tagħhom sabiex tiffaċilita miżuri kontra theddid mill-piraterija u minn atti internazzjonali illegali kif previst fil-liġi applikabbli tal-Unjoni jew taħt strumenti legali maqbula internazzjonalment fil-qasam tat-trasport marittimu, soġġett għal regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli u skont il-proċeduri amministrattivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv jew il-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli stabbilit skont id-Direttiva 2002/59/KE, kif xieraq. Il-provvediment ta’ data għall-identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ bastimenti għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat ta’ Bandiera kkonċernat;

(c)

fil-qasam tal-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi skont id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu (25); l-Aġenzija għandha, jekk mitluba mill-Istati Membri rilevanti u jekk wieħed jassumi li ma jirriżulta l-ebda kunflitt ta’ interess, tagħti appoġġ operattiv lil dawn l-Istati Membri li jikkonċerna investigazzjonijiet relatati ma’ diżgrazzji serji jew serji ħafna u għandha twettaq analiżi ta’ rapporti ta’ investigazzjoni dwar is-sikurezza bil-ħsieb li jiġi identifikat il-valur miżjud fil-livell tal-Unjoni f’termini ta’ kwalunkwe tagħlima rilevanti li għandha tittieħed. Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 17 ta’ dik id-Direttiva, l-Aġenzija għandha tiġbor sintesi ġenerali tal-inċidenti u diżgrazzji aċċidentali marini;

(d)

fl-għoti ta’ statistika, informazzjoni u data oġġettiva, affidabbli u paragunabbli, biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex itejbu l-azzjonijiet tagħhom u jevalwaw l-effikaċja u l-kost-effettività tal-miżuri eżistenti. Tali kompiti għandhom jinkludu l-ġbir, ir-reġistrazzjoni u l-evalwazzjoni tad-data teknika, l-użu sistematiku tal-bażijiet tad-data eżistenti, fost l-oħrajn l-iskambju reċiproku u, fejn adatt, l-iżvilupp ta’ bażijiet tad-data addizzjonali. Abbażi tad-data miġbura, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-bastimenti skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (26);

(e)

fil-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar baħħara provduta u użata skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (27);

(f)

fit-titjib tal-identifikazzjoni u l-insegwiment tal-bastimenti li jagħmlu rimi illegali skont id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn bastimenti u l-introduzzjoni ta’ pieni għal ksur (28);

(g)

rigward tniġġis marin biż-żejt ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, billi tuża s-Servizz Ewropew ta’ Monitoraġġ għaż-Żejt bis-Satellita (CleanSeaNet), għall-monitoraġġ tal-estent u l-impatt ambjentali ta’ tali tniġġis;

(h)

fl-għoti tal-assistenza teknika meħtieġa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkontribwixxu għall-ħidma rilevanti tal-korpi tekniċi tal-IMO, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol sa fejn huwa kkonċernat it-trasport marittimu u l-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (MtF ta’ Pariġi) u organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti li għalihom aċċediet l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni;

(i)

fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (29), b’mod partikolari billi tiffaċilita t-trasmissjoni elettronika ta’ data permezz ta’ SafeSeaNet u billi tappoġġa l-iżvilupp tat-tieqa unika.

5.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija tista’ tipprovdi assistenza teknika, inkluża l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti, fir-rigward tal-atti legali rilevanti tal-UE, lill-Istati li japplikaw biex jissieħbu fl-Unjoni, u fejn applikabbli, lill-pajjiżi kollha sħab tal-Viċinat Ewropew u lill-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-MtF ta’ Pariġi.

L-Aġenzija tista’ wkoll tipprovdi assistenza f’każ ta’ tniġġis ikkawżat minn bastimenti kif ukoll tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass li jaffettwaw lil dawk il-pajjiżi terzi li jikkondividu baċin tal-baħar reġjonali mal-Unjoni, skont il-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni 2007/779/KE, Euratom, u b’mod simili għall-kundizzjonijiet applikabbli għall-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu (3)(d) ta’ dan l-Artikolu. Dawn il-kompiti għandhom jiġu kkoordinati mal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni reġjonali eżistenti relatati mat-tniġġis marin.

Artikolu 2a

Kompiti anċillari tal-Aġenzija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti ċentrali msemmija fl-Artikolu 2, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif xieraq, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni imniżżlin fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikkolu relatati mal-objettivi tal-Aġenzija, safejn l-Aġenzija jkollha għarfien espert u għodod stabbiliti u rikonoxxuti. Il-kompiti anċillari mniżżlin f’dan l-Artikolu għandhom:

(a)

joħolqu valur miżjud sostanzjat;

(b)

jevitaw dupplikazzjoni tal-isforzi;

(c)

ikunu fl-interess tal-politika tal-Unjoni dwar it-trasport marittimu;

(d)

ma jkunux detrimentali għall-kompiti ċentrali tal-Aġenzija u

(e)

ma jiksrux id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri, b’mod partikolari bħala Stati tal-bandiera, Stati tal-port u Stati kostali.

2.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni:

(a)

fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina) (30), billi tikkontribwixxi għall-objettiv tal-kisba ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet marini bl-elementi relatati mat-trasport marittimu u fl-użu tar-riżultati ta’ għodod eżistenti bħal SafeSeaNet u CleanSeaNet;

(b)

billi tipprovdi assistenza teknika b’rabta mal-emissjonijiet ta’ gas serra minn bastimenti, b’mod partikolari fis-segwitu ta’ żviluppi internazzjonali kurrenti;

(c)

f’dak li jikkonċerna l-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), fil-promozzjoni tal-użu tad-data u s-servizzi tal-GMES għal finijiet marittimi, fi ħdan il-qafas ta’ governanza tal-GMES;

(d)

fl-iżvilupp ta’ Ambjent Komuni għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE;

(e)

fir-rigward ta’ installazzjonijiet mobbli offshore taż-żejt u tal-gass, fl-eżami tar-rekwiżiti tal-IMO u fil-ġbir ta’ informazzjoni bażika dwar theddid potenzjali għat-trasport marittimu u l-ambjent marin;

(f)

billi tingħata informazzjoni rilevanti fir-rigward tas-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni skont id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (31). Din l-informazzjoni għandha wkoll tkun parti mir-rapporti msemmija fl-Artikolu 3(4) u (5) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:

(a)

fl-eżami tal-fattibbiltà u l-implimentazzjoni ta’ politiki u proġetti li jappoġġaw l-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu mingħajr Ostakoli, bħall-kunċett Blue Belt u l-inizjattiva Marittima elettronika, kif ukoll it-Toroq tal-Baħar. Dan għandu jsir b’mod partikolari billi jiġu esplorati funzjonalitajiet addizzjonali għal SafeSeaNet, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli stabbilit skont id-Direttiva 2002/59/KE;

(b)

billi tiġi esplorata flimkien mal-awtoritajiet kompetenti għas-Sistema ta’ Servizzi ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar il-possibbiltà li ssir kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn din is-sistema u s-sistemi ta’ informazzjoni tat-trasport marittimu abbażi tar-rapport previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/65/UE;

(c)

billi jiġi ffaċilitat l-iskambju volontarju tal-aħjar prattiki fit-taħriġ u l-edukazzjoni marittima fl-Unjoni u billi tingħata informazzjoni dwar il-programmi ta’ skambju tal-Unjoni għal taħriġ marittimu filwaqt li jiġi rispettat l-Artikolu 166 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Artikolu 3

Żjajjar lill-Istati Membri u spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti fdati lilha u sabiex tgħin lill-Kummissjoni biex twettaq dmirijietha skont it-TFUE, u b’mod partikolari l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, l-Aġenzija għandha twettaq żjajjar lill-Istati Membri skont il-metodoloġija stabbilita mill-Bord Amministrattiv.

2.   L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat minn kmieni biż-żjara ppjanata, bl-ismijiet tal-uffiċjali awtorizzati, u d-data li fiha tibda ż-żjara u t-tul mistenni tagħha. L-uffiċjali tal-Aġenzija ddelegati biex iwettqu dawn iż-żjajjar għandhom jagħmlu dan bi preżentazzjoni ta’ deċiżjoni bil-miktub mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija li tispeċifika l-iskop u l-miri tal-missjoni tagħhom.

3.   L-Aġenzija għandha twettaq spezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni kif meħtieġ mill-atti legali vinkolanti tal-Unjoni fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (32) u fir-rigward tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni ta’ baħħara f’pajjiżi terzi skont id-Direttiva 2008/106/KE.

4.   Fi tmiemi kull żjara jew spezzjoni, l-Aġenzija għandha tfassal rapport u tibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat.

5.   Fejn adatt, u fi kwalunkwe każ meta jiġi konkluż ċiklu ta’ żjajjar jew spezzjonijiet, l-Aġenzija għandha tanalizza r-rapporti minn dak iċ-ċiklu sabiex tidentifika sejbiet orizzontali u konklużjonijiet ġenerali dwar l-effettività u l-kost-effettività tal-miżuri fis-seħħ. L-Aġenzija għandha tippreżenta din l-analiżi lill-Kumitat għal aktar diskussjoni mal-Istati Membri sabiex tittieħed kwalunkwe tagħlima rilevanti u jiġi ffaċilitat it-tixrid ta’ prattika ta’ ħidma tajba.

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, inkluż, fejn xieraq, arranġamenti fir-rigward tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri qabel il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

4.   L-informazzjoni miġbura u pproċessata skont dan ir-Regolament mill-Kummissjoni u l-Aġenzija għandha tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u l-korpi u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (33) u l-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura t-trattament u l-ipproċessar sigur ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

(3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, il-Bord Amministrattiv jista’ jiddeċiedi, bi qbil ma’ u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati u b’kont debitament meħud tal-implikazzjonijiet baġitarji, inkluż kwalunkwe kontribut li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jagħtu, li jistabbilixxi ċ-ċentri reġjonali meħtieġa sabiex jitwettqu, bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, xi wħud mill-kompiti tal-Aġenzija. Meta tittieħed deċiżjoni bħal din, il-Bord Amministrattiv għandu jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-attivitajiet taċ-ċentru reġjonali filwaqt li jiġu evitati spejjeż finanzjarji mhux meħtieġa u tittejjeb il-kooperazzjoni man-netwerks reġjonali u nazzjonali eżistenti.”;

(4)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) għandu jiġu sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija u jibagħtu kull sena sal-15 ta’ Ġunju lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-Istati Membri.

Kull sena, l-Aġenzija għandha tibgħat l-informazzjoni kollha rigward l-eżitu tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet baġitarji;”;

(b)

il-punt (c) għandu jiġu sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

jeżamina u japprova, fil-qafas tal-preparazzjoni tal-programm ta’ ħidma, talbiet għal assistenza lill-Kummissjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(d), talbiet minn Stati Membri għal assistenza teknika, kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), u talbiet għal assistenza teknika, kif imsemmi fl-Artikolu 2(5) kif ukoll talbiet għal assistenza msemmija fl-Artikolu 2a;

(ca)

jeżamina u jadotta strateġija pluriennali għall-Aġenzija għal perijodu ta’ ħames snin b’kont meħud tal-opinjoni bil-miktub tal-Kummissjoni;

(cb)

jeżamina u jadotta l-pjan ta’ politika pluriennali tal-persunal tal-Aġenzija;

(cc)

jikkunsidra abbozz ta’ arranġamenti amministrattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2)(ba);”;

(c)

Il-punt (g) għandu jiġu sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

jistabbilixxi metodoloġija għaż-żjajjar li għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 3. F’każ li l-Kummissjoni tesprimi, fi żmien ħmistax il-ġurnata mid-data tal-adozzjoni tal-metodoloġija, in-nuqqas ta’ qbil tagħha, il-Bord Amministrattiv għandu jeżaminaha mill-ġdid u jadottaha, possibilment jemenda, fit-tieni qari b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri;”;

(d)

il-punt (h) għandu jiġu sostitwit b’dan li ġej:

“(h)

jaqdi dmirijietu fir-rigward tal-baġit tal-Aġenzija skont l-Artikoli 18, 19 u 21 u jissorvelja u jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-varji rapporti u evalwazzjonijiet tal-awditjar, kemm interni kif ukoll esterni;”;

(e)

il-punt (i) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

jeżerċita awtorità dixxiplinari fuq id-Direttur Eżekuttiv u l-Kapijiet tad-Dipartimenti msemmija fl-Artikolu 16;”;

(f)

il-punt (l) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

jirrevedi l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat imsemmi fil-punt (k) ta’ dan il-paragrafu u l-impenji baġitarji previsti fir-Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti (34);

(g)

jinżied il-punt li ġej:

“(m)

jaħtar osservatur minn fost il-membri tiegħu biex isegwi l-proċedura ta’ selezzjoni mill-Kummissjoni għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv”.

(5)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jinħatru abbażi tal-livell ta’ esperjenza u kompetenza esperta rilevanti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, it-tnejn li huma, jistinkaw għal rappreżentazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord Amministrattiv.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-tul tal-mandat għandu jkun ta’ erba’ snin. Il-mandat jista’ jiġġedded.”;

(6)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 4 jiġi sostiwit b’dan li ġej:

“4.   Meta jkun hemm kwistjoni ta’ kunfidenzjalità jew konflitt ta’ interess, il-Bord Amministrattiv jista’ jiddeċiedi li jeżamina l-punti speċifiċi fuq l-aġenda tiegħu mingħajr il-preżenza tal-membri kkonċernati. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fir-regoli ta’ proċedura.”;

(7)

L-Artikolu 15 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

huwa/hija għandu jħejji l-istrateġija pluriennali tal-Aġenzija u jressaqha quddiem il-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni minn tal-inqas tmien ġimgħat qabel il-laqgħa rilevanti tal-Bord Amministrattiv, b’kont meħud tal-fehmiet u s-suġġerimenti magħmula mill-membri tal-Bord Amministrattiv;

(aa)

huwa/hija għandu jipprepara l-pjan ta’ politika pluriennali tal-persunal tal-Aġenzija u jressaqha quddiem il-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni minn tal-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa rilevanti tal-Bord Amministrattiv;

(ab)

huwa/hija għandu jipprepara l-programm ta’ ħidma annwali, b’indikazzjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji mistennija allokati għal kull attività, u l-pjan dettaljat għall-attivitajiet tal-istat ta’ tħejjija u tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija, u jressaqhom quddiem il-Bord Amministrattiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni minn tal-inqas tmien ġimgħat qabel il-laqgħa tal-Bord rilevanti, b’kont meħud tal-fehmiet u s-suġġerimenti magħmula mill-membri tal-Bord Amministrattiv. Huwa/hija għandu jieħu l-passi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom. Huwa/hija għandu jwieġeb għal kwalunkwe talba għal assistenza mingħand Stat Membru skont l-Artikolu 10(2)(c);

(b)

huwa/hija għandu jiddeċiedi li jwettaq iż-żjajjar u l-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni u b’segwitu għall-metodoloġija għaż-żjajjar stabbilita mill-Bord Amministrattiv skont l-Artikolu 10(2)(g);

(ba)

huwa/hija tista’ tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ korpi oħrajn li jaħdmu fl-oqsma ta’ attivitajiet tal-Aġenzija dment li l-abbozz ta’ arranġament ikun tressaq għal konsultazzjoni quddiem il-Bord Amministrattiv u dment li l-Bord Amministrattiv ma joġġezzjonax fi żmien erba’ ġimgħat.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

huwa/hija għandu jorganizza sistema effettiva ta’ monitoraġġ sabiex ikun jista’ jqabbel il-kisbiet tal-Aġenzija mal-objettivi u l-kompiti tagħha kif imniżżlin f’dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa/hija għandu jistabbilixxi, bi qbil mal-Kummissjoni u l-Bord Amministrattiv, indikaturi tal-prestazzjoni mfasslin apposta li jippermettu valutazzjoni effettiva tar-riżultati miksuba. Huwa/hija għandu jiżgura li l-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija ser tiġi adattata b’mod regolari għall-ħtiġijiet li jevolvu skont ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli. Fuq din il-bażi kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jipprepara abbozz ta’ rapport ġenerali u jressqu quddiem il-Bord Amministrattiv għal kunsiderazzjoni. Ir-rapport għandu jinkludi sezzjoni apposta dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat għall-attivitajiet tal-istat ta’ tħejjija u tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija u għandu jagħti aġġornament tal-istatus tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati taħt dak il-pjan. Huwa/hija għandu jistabbilixxi proċeduri regolari ta’ evalwazzjoni li jilħqu standards professjonali rikonoxxuti;”;

(c)

fil-paragrafu 2, il-punt (g) jitħassar;

(d)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(3)   Id-Direttur Eżekuttiv għandu, kif xieraq, jirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-twettiq tal-kompiti tiegħu/tagħha.

B’mod partikolari, huwa/hija għandu jippreżenta s-sitwazzjoni fir-rigward tat-tħejjija tal-istrateġija pluriennali u l-programm ta’ ħidma annwali.”;

(8)

L-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Ħatra u sensja tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Kapijiet tad-Dipartiment

1.   Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jinħatar u jingħata s-sensja mill-Bord Amministrattiv. Il-ħatra għandha ssir għal perijodu ta’ ħames snin għal raġuni ta’ mertu u kompetenza amministrattiva u maniġerjali dokumentata, kif ukoll esperjenza dokumentata fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 wara li tinstema’ l-opinjoni tal-osservatur kif imsemmi fl-Artikolu 10. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar minn lista ta’ mill-inqas tliet kandidati proposti mill-Kummissjoni wara kompetizzjoni miftuħa, wara l-pubblikazzjoni tal-post f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u f’postijiet oħrajn, għal sejħa għal stqarrijiet ta’ interess. Il-kandidat magħżul mill-Bord Amministrattiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu. Il-Bord Amministrattiv għandu jiddelibera dwar is-sensja fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta’ terz mill-membri tagħha. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu dwar ħatra jew sensja b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħames membri mill-membri kollha bid-dritt għall-vot.

2.   Il-Bord Amministrattiv, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, filwaqt li jieħu kont tar-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba għal mhux ikar minn erba’ snin. Il-Bord Amministrattiv għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħames membri mill-membri kollha bid-dritt għall-vot. Il-Bord Amministrattiv għandu jinforma lill-Parlament Ewropew bil-ħsieb tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv. Fi żmien xahar qabel l-estensjoni tal-mandat tiegħu, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb għall-mistoqsijiet li jagħmlu l-membri tiegħu. Jekk il-mandat ma jkunx estiż, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħu.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jkun assistit minn Kap ta’ Dipartiment wieħed jew iktar. Jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun assenti jew indispost, wieħed mill-Kapijiet tad-Dipartimenti għandu jeħodlu postu.

4.   Il-Kapijiet tad-Dipartimenti għandhom jinħatru abbażi ta’ mertu u ħiliet amministrattivi u ta’ tmexxija dokumentati, kif ukoll kompetenza u esperjenza professjonali fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1. Il-Kapijiet tad-Dipartimenti għandhom jinħatru jew jingħataw is-sensja mid-Direttur Eżekuttiv wara li jkun irċieva opinjoni pożittiva mingħand il-Bord Amministrattiv.”;

(9)

L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-ħlasijiet u t-tariffi għall-pubblikazzjonijiet, għat-taħriġ u/jew għal kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-Aġenzija.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u n-nefqa tal-Aġenzija għas-sena ta’ wara, abbażi ta’ baġit ibbażat fuq l-attivitajiet, u għandu jibagħtu lill-Bord Amministrattiv, flimkien ma’ abbozz ta’ tabella tal-persunal.”;

(c)

il-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“7.   Id-dikjarazzjoni tal-istimi għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (‘l-awtorità baġitarja’) flimkien mal-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni ddaħħal l-istimi fl-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li hija tqis bħala meħtieġa għat-tabella tal-persunal u l-ammont ta’ sussidju li għandu jittieħed mill-baġit ġenerali, li hija għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikolu 314 TFUE, flimkien ma’ deskrizzjoni ta’ u ġustifikazzjoni għal kwalunkwe differenza bejn id-dikjarazzjoni tal-istimi tal-Aġenzija u s-sussidju li għandu jittieħed mill-baġit ġenerali.”.

(d)

il-paragrafu 10 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Il-baġit għandu jiġi adottat mill-Bord Amministrattiv. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn xieraq, dan għandu jiġi aġġustat kif adatt, flimkien mal-programm ta’ ħidma annwali.”;

(10)

L-Artikolu 22 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Evalwazzjoni

1.   F’intervalli regolari u ta’ mill-inqas kull ħames snin, il-Bord Amministrattiv għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni li din tal-aħħar tikkunsidra rilevanti għal dik l-evalwazzjoni.

2.   L-evalwazzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-utilità, ir-rilevanza, il-valur miżjud miksub u l-effettività tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha. L-evalwazzjoni għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Din għandha, b’mod partikolari, tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġu modifikati l-kompiti tal-Aġenzija. Il-Bord Amministrattiv għandu joħroġ termini speċifiċi ta’ referenza bi qbil mal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jirċievi l-evalwazzjoni u joħroġ ir-rakkomandazzjonijiet dwar bidliet għal dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha lill-Kummissjoni. Kemm ir-riżultati tal-evalwazzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jingħataw mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandhom jiġu ppubblikati. Għandu jiġi inkluż pjan ta’ azzjoni bi skeda ta’ żmien, jekk ikun adatt.”;

(11)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Rapport ta’ progress

Sa… (35), u b’kont meħud tar-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi kif l-Aġenzija tkun ħadet ir-responsabbiltajiet addizzjonali assenjati mir-Regolament bil-ħsieb li jiġu identifikati aktar kisbiet ta’ effiċjenza u, jekk meħtieġ, il-każ għall-modifikazzjoni tal-objettivi u l-kompiti tagħha.

(12)

L-Artikolu 23 jitħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 68.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-4 ta’ Ottubru 2012. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'….

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6.

(5)  ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.

(8)  ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.

(9)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE (ĠU L 73, 16.3.1994, p. 19).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1).

(12)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE (ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32).

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 84/358/KEE (ĠU L 188, 16.7.1984, p. 7).

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE (ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1).

(15)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/550/KEE (ĠU L 267, 28.10.1993, p. 20).

(16)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/655/UE (ĠU L 285, 30.10.2010, p. 1).

(17)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

(18)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(19)  ĠU L 98, 10.4.2008, p. 5.

(20)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(21)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(22)  

(1*)

ĠU L 129, 29.4.2004, P.6.

(23)  

(2*)

ĠU L 131, 28.5.2009, p 47.

(24)  

(3*)

ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.

(25)  

(4*)

ĠU L 131, 28.5.2009, p.114.

(26)  

(5*)

ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(27)  

(6*)

ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(28)  

(7*)

ĠU L 255, 30.9.2005, p.11.

(29)  

(8*)

ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.

(30)  

(9*)

ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(31)  

(10*)

ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.

(32)  

(11*)

ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.”.

(33)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”;

(34)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1.”.

(35)  Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.”.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Fit-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal Regolament (UE) […/….] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (1).

Il-proposta kienet is-suġġett ta’ rapport ta’ progress lill-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tal-31 ta’ Marzu 2011. Ġew ippreżentati żewġ mistoqsijiet lill-Ministri sabiex tinkiseb gwida għall-eżami tal-proposta mill-korpi preparatorji tal-Kunsill (2).

Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija adotta approċċ ġenerali dwar il-proposta (3).

Fil-15 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew ivvota dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (4).

B’segwitu tal-votazzjoni fil-Parlament Ewropew, seħħew negozjati bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar il-proposta. Fit-12 ta’ April 2012 intlaħaq qbil u sussegwentement ġie approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti fis-17 ta’ April 2012 u mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) fl-24 ta’ April 2012.

B’kont meħud tal-qbil ta’ hawn fuq u b’segwitu għar-reviżjoni legali u lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-4 ta’ Ottubru 2012, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont debitu tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (5). Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI FL-EWWEL QARI

1.   Ġenerali

Ir-Regolament propost jimmira li jespandi l-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex jirriflettu ħtiġijiet u żviluppi ġodda fil-livell tal-Unjoni u f’dak internazzjonali, partikolarment ħtiġijiet li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ “it-tielet pakkett dwar is-sigurtà marittima”. Objettiv ieħor hu li tiġi adattata l-istruttura ta’ governanza tal-Aġenzija, b’mod partikolari fid-dawl tal-evalwazzjoni esterna kkummissjonata fl-2007.

Għalkemm il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni fir-rigward tal-objettiv tal-proposta, jiġifieri li l-kompiti tal-EMSA u l-istruttura ta’ governanza jiġu adatti għaċ-ċirkostanzi l-ġodda, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinvolvi aġġustamenti kbar għall-proposta oriġinali. B’mod partikolari, il-Kunsill jikkunsidra li l-proposta tal-Kummissjoni ma ħaditx kont suffiċjenti tal-ħtieġa li l-fokus tal-EMSA jinżamm fuq il-kompitu ċentrali tagħha - is-sigurtà marittima. Fil-fehma tal-Kunsill, fi żmien ta’ riżorsi limitati finanzjarji u umani hu partikolarment importanti li dawk ir-riżorsi ma jinfirxux fuq wisq kompiti ġodda; l-attivitajiet tal-EMSA għandhom, minflok, jikkonċentraw fuq dawk l-oqsma li fihom l-Aġenzija stabbilixxiet u rrikonnoxiet għarfien espert u għodod. Ghalhekk, il-Kunsill għażel approċċ li jistabbilixxi b’mod ċar l-objettivi tal-Aġenzija. Barra minn hekk, il-kompiti tal-Aġenzija huma separati f’kompiti ċentrali u kompiti anċillari. Il-kompiti anċillari jitwettqu mill-Aġenzija biss wara eżami dettaljat tal-kosteffiċjenza

Bħala riżultat ta’ dan l-approċċ, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari timmodifika b’mod sinfikanti l-proposta oriġinali tal-Kunsill, b’formulazzjoni mill-ġdid u t-tħassir ta’ diversi dispożizzjonijiet.

2.   Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-emendi tal-Parlament dwar ċerti kwistjonijiet ċentrali

(i)   L-objettivi tal-Aġenzija

Il-Parlament ippropona li l-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bl-assistenza teknika u xjentifika meħtieġa u b’livell għoli ta’ għarfien espert, sabiex tgħinhom japplikaw b’mod korrett il-leġislazzjoni tal-Unjoni bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli, uniformi u effiċjenti ta’ sikurezza u sigurtà marittima, bl-użu tal-kapaċitajiet eżistenti tagħhom għall-assistenza, il-prevenzjoni u l-ittrattar tat-tniġġis tal-baħar, inklużi minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass, u l-iżvilupp ta’ Spazju Ewropew Għat-Trasport Marittimu Mingħajr Ostakoli (l-emenda 29). L-objettivi jirrappreżentaw ir-responsabbilitajiet primarji tal-Aġenzija u għandhom jintlaħqu bħala prijorità (l-emenda 30).

Il-Kunsill jilqa’ d-deskrizzjoni ċara tal-objettivi tal-Aġenzija proposti mill-Parlament, u l-prijoritizzazzjoni tal-kompiti. Fil-fatt, iż-żewġ emendi jimxu fl-istess direzzjoni tal-approċċ ġenerali tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jara l-utilità li l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ Spazju Ewropew għat-Trasport Marittimu Mingħajr Ostakoli jkun l-objettiv ġenerali tal-attivitajiet tal-Aġenzija, fejn adatt.

Madankollu, il-Kunsill mhux lest li jaċċetta l-estensjoni tal-kompiti tal-Aġenzija biex ikopru l-prevenzjoni tat-tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass (ara l-punt 2(ii)(c) hawn taħt), u għalhekk dik il-parti tal-emenda mill-Parlament mhix inkluża fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Barra minn hekk, prijoritizzazzjoni aktar ċara tal-kompiti hi importanti għall-Kunsill, u għalhekk il-pożizzjoni tiegħu tagħmel distinzjoni bejn il-kompiti ċentrali u l-kompiti anċillari.

(ii)   Il-kompiti tal-Aġenzija

Il-Parlament ippropona numru ta’ kompiti ġodda għall-Aġenzija, l-aktar importanti minnhom hu t-taħriġ tal-baħħara, il-ġlieda kontra t-“traffikar illegali” u l-atti ta’ piraterija u t-tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass.

(a)   Taħriġ tal-baħħara

Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda kompitu speċifiku tal-EMSA fir-rigward tat-taħriġ tal-baħħara. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill ma emendax il-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Madankollu, il-Parlament ippropona diversi emendi bil-ħsieb li l-Aġenzija tkun involuta fit-taħriġ tal-baħħara:

L-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika biex titjib il-kwalità tat-taħriġ tal-baħħara Ewropej, u fil-promozzjoni ta’ karrieri maritimmi (l-emenda 35).

L-Aġenzija għandha taħdem mal-Istati Membri fil-ġbir u l-analiżi tad-data dwar il-kwalifiki u l-impjieg tal-baħħara sabiex tiġi kondiviża l-aħjar prattika fit-taħriġ tal-baħħara fl-Ewropa kollha (l-emenda 41), fil-koordinazzjoni tal-programmi tal-iskejjel tat-taħriġ biex tiġi żgurata l-konsistenza (l-emenda 42) u fl-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ kambji ta’ tip Erasmus bejn l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ marittimu (l-emenda 43).

Għandha tiddaħħal premessa adatta li tkopri l-kopiti ta’ hawn fuq (l-emenda 20).

Il-Kunsill jista’ jaqbel mal-Parlament li l-EMSA jista’ jkollha rwol fil-kwistjonijiet marbuta mat-taħriġ tal-baħħara, iżda dan m’għandux ikun parti mill-kompiti ċentrali tagħha, ħlief safejn hija konċernata l-istatistiki, u għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali (l-Artikolu 166 TFUE). Dan hu rifless fil-pożizzjoni tal-Kunsill b’dan il-mod:

Bħala kompitu ċentrali, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir u l-analiżi tad-data dwar il-baħħara pprovduta u użata f’konformità mad-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu tat-taħriġ tal-baħħara (6) (l-Artikolu 2(4)(e)).

Bħala kompitu anċillari, l-Aġenzija għandha, fejn adatt, tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju volontarju tal-aħjar prattiki fit-taħriġ u l-edukazzjoni marittimi fl-Unjoni u billi tipprovdi informazzjoni dwar il-programmi ta’ skambju tal-Unjoni rilevanti għat-taħriġ marittimu, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 166 TFUE (l-Artikolu 2a(3)(c)). Din id-dispożizzjoni hi spjegata ulterjorment fil-Premessa 31.

(b)   Piraterija

Bħal fil-każ tat-taħriġ għall-baħħara, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda rwol għall-EMSA fir-rigward tal-ġlieda kontra l-piraterija jew atti illegali oħra diretti lejn it-trasport marittimu. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill ma emendax il-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Min-naħa l-oħra, il-Parlament ikkunsidra li l-ġlieda kontra l-piraterija u t-“traffikar illegali” għandhom ikunu kompitu ċentrali għall-Aġenzija. Għal dak il-għan, il-Parlament introduċa tliet emendi:

il-monitoraġġ u l-ġbir ta’ data mill-Aġenzija għandhom ukoll jiġbru informazzjoni bażika pereżempju dwar il-piraterija (l-emenda 21);

l-Aġenzija għandha tibgħat lill-operazzjoni tal-Qawwa Navali tal-UE Atalanta informazzjoni dettaljata dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE fi transitu minn ċerti żoni perikolużi (l-emenda 22);

l-Aġenzija għandha tappoġġa l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ġlieda kontra kontra t-traffikar illegali u l-atti ta’ piraterija (l-emenda 45).

Il-Kunsill hu ferm konxju mit-theddida dejjem tiżdied tal-atti ta’ piraterija u atti illegali oħra kontra t-trasport marittimu, u l-Aġenzija fil-fatt għandha ċerta data għad-dispożizzjoni tagħha li tista’ tkun utli f’dan ir-rigward. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti dan billi fost il-kompiti ċentrali tal-Aġenzija tinkludi l-provvista tal-pożizzjoni rilevanti tal-bastimenti u d-data dwar l-osservazzjoni tad-dinja lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-korpi rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġu ffaċilitati l-miżuri kontra t-theddid ta’ piraterija u ta’ atti illegali intenzjonali. Għandu jiġi nnotat li d-data għandha tiġi pprovduta biss fuq talba, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni, soġġetta għal regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli u f’konformità ma’ proċeduri amministrattivi li għandhom jiġu stabbiliti jew mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija jew, f’ċerti każi, mill-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli stabbilit f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (7) (l-Artikolu 2(4)(b)). Il-provvista ta’ data għall-identifikazzjoni u traċċar mill-bogħod ta’ bastimenti ser ukoll tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat ta’ Bandiera kkonċernat (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(4)(b)). Il-Kunsill jikkunsidra li l-użu tat-terminu “atti illegali intenzjonati”, li hu ferm stabbilit u definit fil-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni, hu ta’ importanza partikolari. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill tagħmel referenza partikolari għall-protezzjoni tad-data, u konsegwentement tintroduċi xi emendi għall-Artikolu 4 dwar l-ittrattar u l-ipproċessar siguri tal-informazzjoni konfidenzjali, u kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament m’għamlu l-ebda referenza għaliha.

Fl-aħħar nett, il-Premessa 32 fiha aktar elementi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq.

(c)   Tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass

Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tat lill-EMSA rwol limitat fl-analiżi tas-sikurezza ta’ stallazzjonijiet offshore mobbli ta’ żejt u ta’ gass. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill għamel dan kompitu anċillari li jikkonsisti f’li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżami tar-rekwiżiti tal-IMO u fil-ġbir ta’ informazzjoni bażika dwar theddid potenzjali għat-trasport marittimu u l-ambjent tal-baħar. Il-Kunsill speċifika li l-EMSA m’għandha twettaq l-ebda attività ta’ spezzjoni jew l-ebda attività speċifikament relatata mal-esplorazzjoni jew l-esplojtazzjoni tar-riżorsi minerali.

Min-naħa l-oħra, il-Parlament adotta għadd ta’ emendi rigward tali prevenzjoni tat-tniġġis. Hu ppropona b’mod partikolari:

li jitħassar il-kliem “ikkawżat mill-bastimenti” mir-referenzi fil-proposta dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis (l-emendi 29, 30, 71 u 73);

li titħassar il-kelma “mobbli” mir-referenzi għall-analiżi tas-sikurezza ta’ stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass (l-emendi 14 u 33);

li ssir referenza għall-valur tal-għarfien espert tal-Aġenzija fl-iżvilupp ta’ gwida dwar il-liċenzjar tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ żejt u ta’ gass (l-emenda 24);

li l-prevenzjoni u t-trattar tat-tniġġis tal-baħar, inkluż minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass, isiru objettiv tal-EMSA (l-emenda 29);

li l-EMSA tipprovdi assitenza relatata mal-liċenzjar tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ żejt u ta’ gass (l-emenda 37);

l-EMSA tassisti lill-Istati Membri matul l-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti li jinvolvu stallazzjonijiet marittimi mal-kosta u offshore, inklużi l-aċċidenti li jaffettwaw stallazzjonijiet ta’ żejt u ta’ gass (l-emenda 47);

li l-EMSA tiffaċilita l-kooperazzjoni fil-valutazzjoni tal-arranġamenti tal-Istati Membri rigward pjani ta’ rispons għall-emerġenza u l-istat ta’ tħejjija għall-emerġenza fir-rigward ta’ stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass (l-emenda 49);

li l-EMSA tiffaċilita l-kooperazzjoni li tiġi żgurata s-superviżjoni independenti ta’ parti terza tal-aspetti marittimi relatati mas-sikurezza, il-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-ippjanar kontinġenti (l-emenda 50).

F’konformità ma’ dak propost mill-Kummissjoni, il-Kunsill jemmen li hu fattibbli u adatt li l-EMSA tingħata rwol b’rispons għat-tniġġis tal-baħar minn stallazzjoniiet offshore. L-Aġenzija għandha l-kapaċitajiet ta’ rispons biex twettaq l-operazzjonijiet ta’ tindif wara t-tixrid taż-żejt, irrispettivament jekk it-tniġġis jiġi kkawżat minn bastiment jew stallazzjoni offshore. Barra minn hekk, hi akkwistat għarfien espert fil-qasam tat-tniġġis minn sostanzi perikolużi u tossiċi oħra biex tassisti lill-Istati milquta minn tali tniġġis. Madankollu, il-Kunsill jikkunsidra li hu prematur li l-Aġenzija tingħata rwol akbar fil-prevenzjoni tat-tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass. Kif imsemmi hawn fuq, l-EMSA għandha tiffoka l-attivitajiet tagħha fuq oqsma fejn għandha għarfien espert u għodod stabbiliti u rikonoxxuti. Konsegwentement, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix l-emendi tal-Parlament dwar din il-kwistjoni.

Madankollu, xi tħassib tal-Parlament hu indirizzat fil-pożizzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, il-Kunsill introduċa fehim ġdid u usa’ dwar it-tniġġis tal-baħar, li jkopri mhux biss iż-żejt iżda wkoll sostanzi perikolużi u tossiċi oħra (il-Premessa 3). Il-kompiti ċentrali tal-Aġenzija ser jinkludu l-użu tas-servizz CleanSeaNet tagħha għall-monitoraġġ tal-estent u l-impatt ambjentali tat-tniġġis tal-baħar miż-żejt ikkawżat minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass (l-Artikolu 2(4)(g) u l-Premessa 22), li hu wkoll f’konformità mal-emendi 15 u 48 tal-Parlament. Bħala kompitu anċillari, l-Aġenzija, tista’, fejn adatt, tassisti lill-Kummissjoni fl-eżami tar-rekwiżiti tal-IMO u fil-ġbir ta’ informazzjoni bażika dwar theddid potenzjali għat-trasport marittimu u l-ambjent tal-baħar (l-Artikolu 2a(2)(e)).

Fl-aħħar nett, fil-qafas tar-rapport ta’ progress, il-Kummissjoni hi mestiedna teżamina l-kontribut potenzjali tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni ta’ att futur leġislattiv dwar is-sikurezza ta’ attivitajiet ta’ prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni offshore ta’ żejt u ta’ gass, fir-rigward tal-prevenzjoni tat-tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass, b’kont meħud tal-għarfien espert u għodod stabbiliti u rikonoxxuti tal-Aġenzija (il-Premessa 44).

(d)   Kompiti ġodda oħra assenjati lill-Aġenzija

Il-Kunsill ħa kont tal-emenda 38 tal-Parlament, b’bidliet żgħar, billi ta lill-Aġenzija l-kompitu li tipprovdi, fuq talba ta’ Stat Membru, informazzjoni adatta mill-ispezzjonijiet tal-EMSA ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti sabiex jiġi appoġġat il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jwettqu kompiti ta’ ċertifikazzjoni f’isem l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/15/KE dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijiet marittima (8), mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istat tal-bandiera (l-Artikolu 2(3)(c)). Il-Kunsill jikkunsidra li tali kondiviżjoni ta’ informazzjoni mill-Aġenzija tista’ tkun ta’ valur miżjud għall-Istat Membru rikjedenti.

Il-Parlament ippreżenta numru ta’ emendi rigward l-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu Mingħajr Ostakoli u kwistjonijiet relatati mill-qrib, bħall-inizjattiva Marittima elettronika u l-proġett “Blue Belt” (l-emendi 12, 16, 17, 19, 27, 29 u 33).

Il-Parlament ippropona li l-Aġenzija għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġett “Blue Belt” (l-emendi 16, 17 u 33). Il-Kunsill kien diġà inkluda dispożizzjoni simili fl-approċċ ġenerali tiegħu, iżda bħala kompitu anċillari. Il-kunċett “Blue Belt” hu b’hekk inkluż fost il-kompiti anċillari fl-Artikolu 2a(3)(a), bħala waħda mil-linji politiċi u l-proġetti li jappoġġaw l-istabbiliment ta’ Spazju Ewropew għat-Trasport Marittimu Mingħajr Ostakoli.

Barra minn hekk, minbarra li hu elenkat fost l-objettivi tal-Aġenzija (l-Artikolu 1(3)), l-Ispazju Ewropew għat-Trasport Marittimu Mingħajr Ostakoli hu msemmi wkoll fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-Artikolu 2a(3)(a) u fil-Premessi 15, 17, 28 u 45. Bħala mezz biex jinkiseb dan l-ispazju mingħajr ostakoli, il-Kunsill jikkunsidra d-Direttiva 2010/65/UE dwar formalitajiet ta’ rappurtar għall-basitmenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri (9) ta’ importanza partikolari u għalhekk l-Aġenzija, bħala wieħed mill-kompiti ċentrali tagħha, ser tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni billi tiffaċilita t-trasmissjoni elettronika tad-data permezz tas- SafeSeaNet u billi tappoġġa l-iżvilupp tat-tieqa unika (l-Artikolu 2(4)(i)). Huwa ser jappoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva (il-Premessa 15).

Kuntrarju għall-proposta tal-Kummissjoni u l-approċċ ġenerali tal-Kunsill, il-Parlament ippropona li l-Aġenzija m’għandhiex tkun involuta f’kompiti relatati ma’ passaġġi fuq l-ilma interni. Madankollu, il-Kunsill jikkunsidra li jista’ jkun utli li l-Aġenzija tingħata kompiti anċillari limitati definiti sew, fil-provvista ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward tas-soċjetajiet klassifikati għall-bastiment ta’ passaġġi fuq l-ilma interni (l-Artikolu 2a(2)(f) u l-Premessa 25) u li tiġi esplorata l-possibbiltà tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn is-Sistema ta’ Servizzi ta’ Informazzjoni dwar ix-Xmajjar u s-sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport marittimu (l-Artikolu 2a(3)(b) u l-Premessa 26). Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din il-parti tal-emenda 33 tal-Parlament.

(iii)   Struttura ta’ governanza tal-Aġenzija

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament tal-EMSA hu li tiġi adattata l-istruttura ta’ governanza tal-Aġenzija.

Il-Kunsill b’mod ġenerali hu favur l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-istruttura ta’ governanza tiġi adattata f’konformità mas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna ta’ Ġunju 2008. Madankollu, il-Kunsill ma jistagħx jaqbel mal-aspetti kollha tal-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, il-Parlament għamel numru ta’ emendi.

Il-punti ewlenin ta’ diverġenza bejn l-istituzzjonijiet jikkonċernaw il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għal żjajjar fl-Istati Membri u spezzjonijiet f’pajjiżi terzi, id-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn is-sessi, ċerti dispożizzjonijiet rigward il-membri tal-Bord Amministrattiv (marbuta mal-kunflitt ta’ interess u t-tul tal-mandat) u l-proċedura għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv u t-tul tal-mandat tiegħu/tagħha.

(a)   Żjajjar u spezzjonijiet

Il-Kummissjoni pproponiet li l-politika l-ispezzjonijiet għandha tiġi stabbiliti permezz ta’ att implimentattiv u mhux b’deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv, kif attwalment hu l-każ. Rigward din il-kwistjoni, il-Parlament ippreżenta emendi bil-għan li l-politika dwar l-ispezzjonijiet għandha tkun deċiża b’att delegat (l-emendi 25, 26, 55, 81, 82 u 83).

Fil-fehma tal-Kunsill, l-ebda waħda minn dawn l-alternattivi mhi adatta. Is-sistema attwali tiffunzjona tajjeb u l-Bord Amministrattiv hu l-korp l-aktar adatt biex jiddeċiedi dwar il-metodoloġija għaż-żjajjar. Madankollu, il-Kunsill introduċa salvagwardja addizzjonali fil-każ li l-Kummissjoni ma taqbilx mal-metodoloġija deċiża mill-Bord Amministrattiv. F’dak il-każ, il-Bord għandu jeżaminaha mill-ġdid u jadottaha, possibbilment emendata, fit-tieni qari b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b’unanimità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri (l-Artikolu 3 flimkien mal-Artikolu 10(2)(g) u l-Premessa 39).

Fir-rigward tal-emendi l-oħra proposti mill-Parlament f’dan il-kuntest, il-Kunsill jikkunsidra li mhux adatt li l-Aġenzija tiġi involuta fir-reviżjoni tal-valutazzjoni ta’ impatt ambjentali u fit-twettiq ta’ spezzjonijiet fl-Istati Membri fuq talba tal-Kummissjoni (l-emenda 54). Fir-rigward tal-emenda 56, il-Kunsill ma jaqbilx li l-kosteffiċjenza tal-miżuri attwati hi aspett importanti tal-konklużjonijiet ġenerali ta’ ċiklu ta’ żjajjar u spezzjonijiet, iżda jqis li mhux meħtieġ li jiġu inklużi regoli dwar ir-rapporti dwar iż-żjajjar isiru disponibbli għall-pubbliku, peress li regoli dwar l-informazzjoni għall-pubbliku jinsabu band’oħra fir-Regolament (ara l-Artikolu 4(2) fir-Regolament attwali).

(b)   Bilanċ bejn is-sessi

Il-proposta tal-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-bilanċ bejn is-sessi. Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill qagħad attent li juża lingwa newtrali fir-rigward tas-sessi meta rrefera għad-Direttur Eżekuttiv (f’konformità mar-Regolament attwali). Madankollu, il-Parlament, introduċa xi emendi bil-għan li tiġi żgurata rappreżentanza tas-sessi bilanċjata fuq il-Bord Amministrattiv u fis-selezzjoni tal-President, il-Viċi President u r-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi (l-emendi 8, 88 u 90).

Ċertament il-Kunsill jaqbel mal-prinċipju ta’ bilanċ bejn is-sessi. Madankollu, fil-prattika jista’ jkun diffiċli li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi perfett fuq il-Bord Amministrattiv, b’mod partikolari għall-amminstrazzjonijiet marittimi aktar żgħar. Fir-rigward tar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, l-Unjoni ma tistax tiddetta t-termini tal-ħatra ta’ tali rappreżentanti.

Madankollu, il-Kunsill inkluda dispożizzjoni fl-Artikolu 11(1) bil-għan li kemm l-Istati Membri u kif ukoll il-Kummissjoni għandhom jinsistew għal rappreżentanza bilanċata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord Amministrattiv. Barra minn hekk, il-Premessa 9 fiha rakkomandazzjoni li għandu jittieħed kont bis-sħiħ tal-importanza li tiġi żgurata rappreżentanza tas-sessi bilanċata meta jinħatru l-membri tal-Bord Amministrattiv, fis-selezzjoni tal-President u l-Viċi President tal-Bord Amministrattiv u meta jinħatru l-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Aġenzija.

(c)   Dispożizzjonijiet rigward il-membri tal-Bord Amministrattiv

Il-Kummissjoni ma ppropniet l-ebda regola partikolari dwar kunflitt possibbli ta’ interess fir-rigward tal-membri tal-Bord Amministrattiv, u l-ebda bidla fil-mandat attwali (ħames snin, li jiġġedded darba) Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill ma ppropona l-ebda bidla għall-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Il-Parlament ippropona li tiddaħħal dispożizzjoni speċifika dwar kunflitti ta’ interess, li biha l-membri tal-bord jiġu obbligati jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub li tindika kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jiġi kkunsidrat preġudizzjarju għall-independenza tagħhom. Huma jkollhom ukoll jastjenu mill-votazzjoni dwar tali kwistjonijiet (l-emenda 62). Il-Parlament ippropona wkoll li l-mandat jitqassar għal erba’ snin, li jiġġedded darba (l-emenda 63)

Ir-Regolament attwali diġà fih dispożizzjoni dwar il-kunflitt ta’ interess għal dawk il-membri tal-bord li jiġu niminati fil-kapaċità tagħhom bħala professjonisti mis-setturi konċernati (l-Artikolu 13(4)). Għalhekk il-Kunsill hu tal-fehma li hu aktar adatt u aktar sempliċi li din id-dispożizzjoni eżistenti tiġi emendata, b’hekk issir applikabbli għall-membri kollha tal-bord.

Fir-rigward tal-mandat tal-membri tal-bord, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tqassru għal erba’ snin iżda tagħmlu li jiġġedded aktar minn darba, sabiex jittieħed kont ta’ kwalunkwe diffikultà li ċerti amministrazzjonijiet marittimi jista’ jkollhom biex isibu kandidati adatti (l-Artikolu 11(3)).

(d)   Proċedura għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

Attwalment, id-Direttur Eżekuttiv jinħatar mill-Bord Amministrattiv u l-Kummissjoni għandha d-dritt li tipproponi l-kandidati.

Il-Kummissjoni ssuġġeriet li jkollha d-dritt esklużiv li tipproponi l-kandidati. Id-Direttur Eżekuttiv jinħatar għal ħames, li jiġġedded għal mhux aktar minn tliet snin. Barra minn hek, qabel il-ħatra l-kandidat magħżul jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament u jwieġeb għall-mistoqsijiet li jagħmlulu l-membri tiegħu.

Fl-approċċ ġenerali tiegħu, il-Kunsill aċċetta t-tul tal-mandat propost (ħames + tliet snin). Madankollu, il-Kunsill jikkunsidra li dan għandu jkun li jiġġedded darba biss. Barra minn hekk, il-Kunsill ma qabilx mal-Kummissjni dwar l-involviment tal-kumitat tal-Parlament qabel il-ħatra tal-kandidat magħżul. Fl-aħħar nett, il-Kunsill seta’ jaċċetta dritt esklużiv biex il-Kummissjoni tipproponi l-kandidati, iżda introduċa numru ta’ salvagwardji biex tiġi żgurata proċedura ta’ selezzjoni miftuħa, ġusta u trasparenti. Dan inkluda li l-Kummissjoni tkun obbligata li tipproponi tal-anqas tliet kandidati (l-Artikolu 16(1)) u li taħtar osservatur minn fost il-membri tal-bord biex isegwi l-proċedura ta’ selezzjoni tal-Kummissjoni (l-Artikolu 10(2)(m)). Il-Premessa 42 fiha aktar elementi għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, inkluża referenza għall-protezzjoni ta’ data personali.

Il-Parlament emenda l-proposta tal-Kummissjoni billi żied il-perijodu ta’ tiġdid possibbli għal ħames snin (l-emenda 72). Barra minn hekk, hu ppropona li l-kumitat tal-Parlament għandu jkun involut aktar fil-proċedura ta’ selezzjoni permezz ta’ opinjoni dwar il-kandidat magħżul, li għandha tiġi kkunsidrata qabel il-ħatra (l-emenda 71) u l-ħatra mill-ġdid (l-emenda 72).

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tistabbilixxi l-perijodu ta’ tiġdid possibbli għal mhux aktar mnn erba’ snin. Hija wkoll tagħti lill-Parlament id-dritt li jistieden lill-kandidat magħżul għal skambju ta’ fehmiet. Madankollu, il-Kunsill jikkunsidra li mhux adatt li l-Parlament jew il-Kunsill jiġu involuti fil-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha tkun il-prerogattiva tal-Kummissjoni u tal-membri tal-bord tal-Aġenzija.

3.   Emendi oħra adottati mill-Parlament Ewropew

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ emendi oħra mill-Parlament mhux imsemmija hawn fuq hi mniżżla hawn taħt.

Referenza għall-inċidenti tat-tankers taż-żejt Erika u Prestige (l-emendi 1 u 2): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi abbozz kemxejn rivedut tal-verżjoni ta’ dawn l-emendi fil-Premessi 1 u 2.

Referenza għall-bidliet fil-qasam ta’ kompetenza tal-Aġenzija fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esteena (l-emenda 3): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fil-Premessa 4.

Referenza għall-iffokar fuq il-kompiti ta’ priojorità, ir-restrizzjonijiet tal-baġit tal-Unjoni u l-evitar tas-sovrapożizzjoni meta jiġu ġġustifikati l-kompiti l-ġodda tal-Aġenzija (l-emenda 4): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fil-Premessa 5, b’bidliet żgħar.

Ir-rimobilizzazzjoni tal-persunal tal-Aġenzija għandha tkun ikkoordinata mal-aġenziji fl-Istati Membri (l-emenda 5), filwaqt li l-kompiti l-ġodda tal-Aġenzija jeħtieġu żieda fir-riżorsi tagħha (l-emenda 7): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix dawn iż-żewġ emendi.

Ċerti kompiti jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti fil-livell Ewropew (l-emenda 6): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fil-Premessa 7, b’bidliet żgħar.

L-Aġenzija għandha tippromwovi l-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Unjoni permezz tal-kooperazzjoni xjentifika u teknika ma’ pajjiżi terzi (l-emenda 9): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fil-Premessa 12, b’bidliet żgħar.

L-Aġenzija għandha ġġib miżuri kost-effettivi addizzjonali biex jiġi appoġġat ir-rispons għat-tniġġis tal-baħar, inkluż kwalunkwe tniġġis minn stallazzjonijiet offshore ta’ żejt u ta’ gass (l-emenda 10): l-ispirtu ta’ din l-emenda hu riprodott fil-Premessa 21.

Il-kompiti tal-Aġenzija għandhom jiġu deskritti b’mod ċar u preċiż u għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni (l-emenda 11): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-essenza ta’ din l-emenda fil-Premessa 6.

Referenza għall-effettività tal-infurzar u s-sanzjonijiet skont id-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (10) (l-emenda 13): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi stedina lill-Kummissjoni fil-Premessa 19 biex tipprovdi informazzjoni dwar l-effettività u l-konsistenza tal-infurzar ta’ dik id-Direttiva.

Għandhom jinħolqu sinerġiji bejn l-awtoritajiet, inklużi s-servizzi tal-gwardja tal-kosta, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ “Baħar Uniku Ewropew” (l-emenda 18): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi stedina lill-Kummissjoni fil-Premessa 30 biex tħejji studju ta’ fattibbiltà dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, soġġett għal kondizzjonijiet stretti.

L-Aġenzija u l-Memorandum ta’ Fehim ta’ Pariġ dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (Paris MoU) għandhom jikkooperaw mill-qrib (l-emenda 23): il-pożizzjoni tal-Kunsill fiha diversi referenzi għall-Paris MoU, inkluża waħda dwar il-kooperazzjoni mill-qrib biex tiġi massimizzata l-effiċjenza (il-Premessi 33 u 38, l-Artikolu 2(4)(h) u l-Artikolu 2(5)).

Referenza għar-Regolament Finanzjarju (l-emenda 28): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fil-Premessa 46, b’bidliet żgħar.

Dispożizzjoni ta’ assistenza teknika lill-Kummissjoni rigward is-sigurtà tal-portijiet (l-emenda 31): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda.

Assistenza lill-Kummissjoni fl-aġġornament u l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tieħu sehem fil-ħidma ta’ ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali (l-emenda 32): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda. Fil-fehma tal-Kunsill, ir-rwol tal-Aġenzija fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’dan il-qasam għandu jkun limitat għal assistenza teknika (l-Artikolu 2(4)(h) u l-Premessi 34 u 35).

Skambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni dwar kwalunkwe politika oħra li tista’ tkun adatta minħabba l-oqsma ta’ kompetenza tal-Aġenzija u l-għarfien espert tagħha (l-emenda 34): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda. Madankollu. fil-prattika hi koperta mill-Artikolu 2(2)(d) iżda f’termini aktar preċiżi.

Analiżi ta’ proġetti ta’ riċerka (l-emenda 36): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-essenza ta’ din l-emenda (l-Artikolu 2(2)(c)).

Assistenza lill-Kummissjoni fit-tlestija ta’ ċerti kompiti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (11) (l-emenda 39): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda.

Appoġġ għal azzjonijiet ta’ rispons għat-tniġġis bil-proviżjoni tar-riżorsi tekniċi adatti (l-emenda 40): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi l-essenza ta’ din l-emenda, iżda b’formulazzjoni aktar preċiża (l-Artikolu 2(3)(d)).

Provvista ta’ għarfien espert tekniku fil-qasam tal-bini tal-bastimenti jew kwalunkwe attività rilevanti oħra relatata mat-traffiku marittimu, sabiex jiġi żviluppat l-użu ta’ teknoloġiji favorevoli għall-ambjent u jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà (l-emenda 44): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda fis-sens strett tal-kelma, iżda il-Premessa 24 fiha referenza għal trasport marittimu aktar favorevoli għall-ambjent inġenerali.

Żvilupp u implimentazzjoni ta’ politika makro-reġjonali tal-Unjoni (l-emenda 46): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda.

Li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw il-kosteffiċjenza tal-miżuri eżistenti billi jipprovdu statistika, informazzjoni u data (l-emenda 51): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda fl-Artikolu 2(4)(d).

Ħarsa ġenerali annwali ta’ inċidenti tal-baħari (l-emenda 91): l-essenza ta’ din l-emenda hi inkluża fil-pożizzjoni tal-Kunsill (l-Artikolu 2(4)(c) dwar l-investigazzjoi ta’ disgrazzji u inċidenti tal-baħari).

Assistenza teknika lill-pajjiżi msieħba tal-Viċinat Ewropew, kif u meta applikabbli (l-emenda 53): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda, iżda l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(5) hi simili ħafna għal dak propost mill-Parlament.

Aktar kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ ċentri reġjonali (l-emenda 57): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi din l-emenda, b’bidliet żgħar fl-Artikolu 5(3)).

Diversi emendi li jadattaw il-proċeduri baġitarji għall-bidliet fl-atti legali rilevanti (l-emendi 58, 60 u 68, l-ewwel parti; l-emendi 70, 74, 75 u 76): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi dawn l-emendi kollha.

B’kont meħud tal-opinjoni tal-Parlament meta l-bord tal-Aġenzija jadotta l-istrateġija pluriennali (l-emenda 59), il-konsultazzjoni tal-Kumitat kompetenti tal-Parlament meta d-Direttur Eżekuttiv iħejji l-istrateġija pluriennali (l-emenda 66) u l-pjan pluriennali ta’ politika tal-persunal (l-emenda 67), u l-iskambju ta’ fehmiet mal-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-programm ta’ ħidma annwali (l-emenda 68, it-tieni parti): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix dawn l-emendi, iżda tagħmel referenza speċifika biex jittieħed kont ta’ opinjoni bil-miktub mill-Kummissjoni (l-Artikolu 10(2)(ca)) jew li l-Kummissjoni tiġi kkonsultata dwar dawn id-dokumenti (l-Artikolu 15(2)(a) u (aa)). Barra minn hekk, id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill, b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-tħejjija tal-istrateġija pluriennali u tal-programm ta’ ħidma annwali (l-Artikolu 15(3)).

Speċifikazzjoni tal-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa għall-membri tal-bord (l-emenda 61): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda, iżda tissimplifika t-test billi tagħmel referenza ġenerali għall-esperjenza u l-għarfien espert fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, jiġifieri l-objettivi tal-Aġenzija.

Dispożizzjonijiet dwar is-sehem ta’ voti tal-Kummissjoni fuq il-Bord Amministrattiv (l-emendi 64 u 65): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix dawn l-emendi.

Elementi li għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija (l-emendi 77 u 78): il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi dawn l-emendi, b’bidliet żgħar (Artikolu 22).

Studju ta’ fattibbiltà dwar is-sistema ta’ koordinazzjoni tal-gwardja tal-kosta nazzjonali (l-emenda 79): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda fil-parti dispożittiva, iżda l-Premessa 30 fiha referenza għal tali studju ta’ fattibbiltà.

Rapport ta’ progress dwar żidiet fl-effettività realizzata permezz ta’ integrazzjoni akbar tal-EMSA u l-Paris MoU dwar l-effettività tal-infurzar tal-Istati Membri tad-Direttiva 2005/35/KE (l-emenda 80): il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix din l-emenda fil-parti dispożittiva. Madankollu, kif iddikjarat hawn fuq, hija fiha diversi referenzi għall-Paris MoU (il-Premessi 33 u 38, l-Artikolu 2(4)(h) u l-Artikolu 2(5)) u hemm referenza fil-Premessa 19 għal rapport mill-Kummissjoni dwar l-infurzar tad-Direttiva 2005/35/KE.

III.   KONKLUŻJONI

Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill josserva li numru konsiderevoli ta’ emendi diġà ġew inklużi - kompletament, parzjalment jew fl-ispirtu - fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.


(1)  Dok. 15717/10.

(2)  Dok. 7644/11.

(3)  Dok. 11769/11.

(4)  Dok. T7-0581/2011.

(5)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 68.

(6)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(7)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(8)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 47.

(9)  ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1.

(10)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.

(11)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.


16.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 352/23


POŻIZZJONI (UE) Nru 11/2012 TAL-KUNSILL

fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

Adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Ottubru 2012

(11/2012/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 3(1) (e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Għal dan il-għan, l-Unjoni biss tista' tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE.

(2)

B'żieda ma' dan, il-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE jistipula regoli komuni dwar il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-movimenti ta' kapital li jinvolvu investiment. Dawk ir-regoli jistgħu jiġu affettwati mill-ftehimiet internazzjonali relatati mal-investiment barrani konklużi mill-Istati Membri.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont it-TFUE.

(4)

Fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-TFUE ta' Lisbona, l-Istati Membri żammew għadd sinifikanti ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi. It-TFUE ma fih l-ebda dispożizzjoni transizzjonali espliċita għal ftehimiet bħal dawn li issa ġew taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Barra minn dan, xi wħud minn dawn il-ftehimiet jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jaffettwaw ir-regoli komuni dwar il-movimenti ta' kapital stipulati fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE.

(5)

Għalkemm il-ftehimiet bilaterali ta' investiment jibqgħu vinkolanti għall-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali pubbliku u ser jiġu sostitwiti progressivament bi ftehimiet tal-Unjoni relatati mal-istess suġġett, il-kondizzjonijiet għall-eżistenza kontinwa tagħhom u r-relazzjoni tagħhom mal-politika tal-Unjoni rigward l-investiment, jeħtieġu ġestjoni xierqa. Dik ir-relazzjoni ser tkompli tiżviluppa hekk kif l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha.

(6)

Fl-interess tal-investituri tal-UE u l-investiment tagħhom f'pajjiżi terzi, u tal-Istati Membri li jospitaw investituri u investimenti barranin, ftehimiet bilaterali ta' investiment li jispeċifikaw u jiggarantixxu l-kondizzjonijiet tal-investiment għandhom jinżammu fis-seħħ u sostitwiti progressivament minn ftehimiet tal-Unjoni fil-qasam tal-investiment, biex b'hekk jipprovdu standards għolja ta' protezzjoni tal-investiment.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jindirizza l-istatus taħt il-liġi tal-Unjoni ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment tal-Istati Membri ffirmati qabel l-1 ta' Diċembru 2009. Dawk il-ftehimiet jistgħu jinżammu fis-seħħ, jew jidħlu fis-seħħ, skont dan ir-Regolament.

(8)

Dan ir-Regolament għandu jistipula wkoll il-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jikkonkludu u/jew iżommu fis-seħħ ftehimiet bilaterali ta' investiment iffirmati bejn l-1 ta' Diċembru 2009 u … (2).

(9)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jistipula l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi wara … (2).

(10)

Fejn jinżammu fis-seħħ ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi minn Stati Membri taħt dan ir-Regolament, jew fejn ingħataw awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta' negozjati jew għall-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet, dak m'għandux jimpedixxi n-negozjar jew il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' investiment mill-Unjoni.

(11)

L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet, fejn dawn jeżistu, mal-liġi tal-Unjoni li tinsab fi ftehimiet bilaterali ta' investiment konklużi bejniethom u pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 258 tat-TFUE fir-rigward tan-nuqqas tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi taħt il-liġi tal-Unjoni.

(12)

L-awtorizzazzjoni li temenda jew li tikkonkludi ftehimiet biltaterali ta' investiment previsti minn dan ir-Regolament għandha tippermetti b'mod partikolari li l-Istati Membri jindirizzaw kwalunkwe inkompatibbiltà bejn il-ftehimiet internazzjonali tagħhom relatati mal-investiment u l-liġi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta' inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, li huma indirizzati f'dan ir-Regolament.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu, fost oħrajn, jirrevedi l-ħtieġa għall-applikazzjoni kontinwa tal-Kapitolu III. Fejn ir-rapport jirrakkomanda li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament ma titkompliex jew fejn jipproponi li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mmodifikati, dan jista' jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġislattiva.

(14)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

(15)

Il-ftehimiet ta' investiment bejn l-Istati Membri m'għandhomx jiġu koperti minn dan ir-Regolament.

(16)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għal ċerti arranġamenti biex jiżguraw li l-ftehimiet biltaterali ta' investiment miżmuma fis-seħħ skont dan ir-Regolament jibqgħu operattivi, anke fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta' disputi, filwaqt li fl-istess waqt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni tibqa' rrispettata.

(17)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (4).

(18)

B'mod speċifiku, dawn is-setgħat għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni minħabba li l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 9, 11 u 12 jagħtu s-setgħa lill-Istati Membri li jaġixxu f'oqsma ta' kompetenza esklussiva tal-Unjoni u deċiżjonijiet fuqhom għandhom jittieħdu fil-livell tal-Unjoni.

(19)

Il-proċedura ta' konsulenza għandha tintuża għall-adozzjoni ta' awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9, 11 u 12, minħabba li dawk l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta' kriterji definiti b'mod ċar u stabbiliti f'dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi stabbiliti mit-TFUE, dan ir-Regolament jindirizza l-istatus tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni, u jistabbilixxi t-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri huma awtorizzati li jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta' investiment.

2.   Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-terminu “ftehim bilaterali ta' investiment” ifisser kwalunkwe ftehim ma' pajjiż terz li jkun fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment. Dan ir-Regolament ikopri biss dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet biltaterali ta' investiment li jittrattaw il-protezzjoni tal-investiment.

KAPITOLU II

ŻAMMA FIS-SEĦĦ TA' FTEHIMIET BILATERALI EŻISTENTI TA' INVESTIMENT

Artikolu 2

Notifika lill-Kummissjoni

Sa … (5), jew fi żmien 30 jum mid-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull ftehim bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi ffirmati qabel 1 ta' Diċembru 2009 jew qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, skont liema data tkun l-aktar tard, li huma jew jixtiequ jżommu fis-seħħ jew jippermettu li jidħlu fis-seħħ skont dan il-Kapitolu. In-notifika għandha tinkludi kopja ta' dawk il-ftehimiet bilaterali ta' investiment. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta’ dawk il-ftehimiet.

Artikolu 3

Żamma fis-seħħ

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni, il-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament jistgħu jinżammu fis-seħħ, jew jidħlu fis-seħħ, skont it-TFUE u dan ir-Regolament, sa meta jidħol fis-seħħ ftehim bilaterali ta' investiment bejn l-Unjoni u l-istess pajjiż terz.

Artikolu 4

Pubblikazzjoni

1.   Kull 12-il xahar il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea lista tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 11(6) jew l-Artikolu 12(6).

2.   L-ewwel pubblikazzjoni tal-lista tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha sseħħ mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza għan-notifiki magħmula skont l-Artikolu 2.

Artikolu 5

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tivvaluta l-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2, billi tevalwa jekk xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet tagħhom jikkostitwixxux ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2.

Artikolu 6

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2 ma jikkostitwixxux ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2.

2.   Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi li xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali ta' investiment innotifikat taħt l-Artikolu 2 jikkostitwixxu ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta' ftehimiet bilaterali ta' investiment ma' pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta' investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet mingħajr dewmien u jikkooperaw bil-ħsieb li jidentifikaw l-azzjonijiet xierqa biex jirriżolvu l-kwistjoni. Dawk il-konsultazzjonijiet għandhom jieħdu mhux aktar minn 90 jum.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista', fi żmien 60 jum mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet, tindika l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jitneħħew l-ostakoli msemmija fil-paragrafu 2.

KAPITOLU III

AWTORIZZAZZJONI BIEX JIĠU EMENDATI JEW KONKLUŻI FTEHIMIET BILATERALI TA' INVESTIMENT

Artikolu 7

Awtorizzazzjoni biex jiġi emendat jew konkluż ftehim bilaterali ta' investiment

B'mod soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8 sa 11, Stat Membru għandu jkun awtorizzat li jidħol f'negozjati ma' pajjiż terz biex jemenda ftehim eżistenti jew jikkonkludi ftehim bilaterali ġdid ta' investiment.

Artikolu 8

Notifika lill-Kummissjoni

1.   Fejn Stat Membru bi ħsiebu jidħol f'negozjati ma’ pajjiż terz biex jemenda jew jikkonkludi ftehim bilaterali ta' investiment, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu bil-miktub.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fin-negozjati jew li għandhom jiġu rinegozjati, l-objettivi tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trasmessa mill-inqas ħames xhur qabel ma jkunu skedati li jibdew in-negozjati formali mal-pajjiż terz ikkonċernat.

4.   Fejn l-informazzjoni trasmessa mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta' negozjati formali taħt l-Artikolu 9, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, fuq talba, id-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra soġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzalità stipulati fl-Artikolu 14.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta' negozjati formali

1.   Il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istati Membri biex jiftħu negozjati formali ma pajjiż terz għall-emendar jew il-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ta' investiment ħlief jekk tikkonkludi li l-ftuħ ta' dawn in-negozjati jkun:

(a)

f'kunflitt mal-liġi tal-Unjoni barra l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

(b)

superfluwu, għaliex il-Kummissjoni tkun ippreżentat jew tkun iddeċidiet li tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta' negozjati mal-pajjiż terz ikkonċernat taħt l-Artikolu 218(3) tat-TFUE;

(c)

inkonsistenti mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni għall-azzjoni esterna kif eleborat skont id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu 1 tat-titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(d)

jikkostitwixxi ostakolu serju għan-negozjar jew għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali futuri ta' investiment ma' pajjiżi terzi mill-Unjoni.

2.   Bħala parti mill-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru biex jinkludi jew jeskludi fir-rigward ta' tali negozjar u ftehim bilaterali prospettiv ta' investiment kwalunkwe klawsola, fejn dan ikun meħtieġ, biex tkun żgurata l-konsistenza mal-politika tal-Unjoni dwar l-investimenti jew il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni.

3.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tingħata f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien 90 jum minn meta tasal in-notifika msemmija fl-Artikolu 8. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 3.

5.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati

Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bil-progress u r-riżultati tan-negozjati għall-emendament jew għall-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ta' investiment matul l-istadji differenti u tista' titlob li tipparteċipa fin-negozjati relatati mal-investiment bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz.

Artikolu 11

Awtorizzazzjoni biex jiġi ffirmat u konkluż ftehim bilaterali ta' investiment

1.   Qabel ma jiġi ffirmat ftehim bilaterali ta' investiment, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test ta' tali ftehim lill-Kummissjoni.

2.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-ftehimiet bilaterali ta' investiment li ġew innegozjati qabel … (6), iżda li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta' notifika taħt l-Artikolu 2 jew taħt l-Artikolu 12.

3.   Man-notifika, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-ftehim bilaterali ta' investiment innegozjat ikunx f'konflitt mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2).

4.   Fejn il-Kummissjoni ssib li n-negozjati rriżultaw fi ftehim bilaterali ta' investiment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2), hija għandha tawtorizza l-Istat Membru biex jiffirma u jikkonkludi tali ftehim. L-Artikoli 3, 5 u 6 japplikaw għal dawn il-ftehimiet, daqs li kieku kienu nnotifikati taħt l-Artikolu 2.

5.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jittieħdu skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien 90 jum minn meta jkun waslu n-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Fejn informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta' 90 jum għandu jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali.

6.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 4, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta' investiment u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta' dak il-ftehim.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 4.

8.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix l-awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 4, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Ftehimiet iffirmati mill-Istati Membri bejn l-1 ta' Diċembru 2009 u … (6)

1.   Fejn, bejn l-1 ta' Diċembru 2009 u … (6), Stat Membru jkun iffirma ftehim bilaterali ta' investiment, u l-Istati Membri jixtiequ li jżommu fis-seħħ jew jippermettu li jidħol fis-seħħ il-ftehim, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-ftehim fi żmien … (7). In-notifika għandha tinkludi kopja ta' tali ftehim.

2.   Man-notifika l-Kummissjoni għandha tagħmel valtuazzjoni dwar jekk il-ftehim bilaterali ta' investiment innotifikat taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkunx f'konflitt mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2).

3.   Fejn il-Kummissjoni ssib li ftehim bilaterali ta' investiment innotifikat taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2), hija għandha tawtorizza ż-żamma jew dħul fis-seħħ ta' tali ftehim taħt il-liġi tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu fi żmien 180 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta' 180 jum għandu jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali. Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jittieħdu skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2).

5.   Sakemm ftehim bilaterali ta' investiment ma jkunx ġie awtorizzat taħt il-paragrafu 3, l-Istat Membru m'għandux jieħu aktar passi lejn il-konklużjoni ta' tali ftehim, u għandu jirtira jew ireġġa' lura dawk il-passi li jkunu ttieħdu.

6.   Fejn il-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta' investiment u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta' tali ftehim. L-Artikoli 3, 5 u 6 għandhom japplikaw għal tali ftehim daqs li kieku kien innotifikat taħt l-Artikolu 2.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 3.

8.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 3, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 13

Il-kondotta tal-Istati Membri fir-rigward ta' ftehim bilaterali ta' investiment ma' pajjiż terz

Fejn ftehim bilaterali ta' investiment ikun jaqa' fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu:

(a)

jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ bil-laqgħat kollha li jsiru taħt id-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Il-Kummissjoni għandha tiġi pprovduta bl-aġenda u l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jkun hemm ftehim tas-suġġetti li għandhom jiġu diskussi f'dawk il-laqgħat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista' titlob aktar informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Fejn kwistjoni li għandha tiġi diskussa tkun tista' taffettwa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni relatati mal-investiment, inkluża b'mod partikolari l-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu pożizzjoni partikolari.

(b)

jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ bir-rappreżentazzjonijiet magħmula lilu li miżura partikolari tkun inkonsistenti mal-ftehim. L-Istat Membru għandu wkoll jinforma immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba għal riżoluzzjoni ta' disputa li tkun ġiet ippreżentata taħt il-ftehim bilaterali ta' investiment hekk kif l-Istat Membru jsir jaf b'tali talba. L-Istat Membru ul-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b'mod sħiħ u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw difiża effettiva li tista' tinkludi, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f'dik il-proċedura.

(c)

jfittex il-qbil tal-Kummissjoni qabel ma jattiva kwalunkwe mekkaniżmu rilevanti għar-riżoluzzjoni ta' disputa kontra pajjiż terz inkluż fil-ftehim bilaterali ta' investiment u għandu, fejn mitlub mill-Kummissjoni, jattiva dawn il-mekkaniżmi. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu konsultazzjonijiet mal-parti l-oħra għal ftehim bilaterali ta' investiment u għal riżoluzzjoni ta' disputa fejn previst fil-ftehim. L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b'mod sħiħ fl-iżvolġiment tal-proċeduri fi ħdan il-mekkaniżmi rilevanti, li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri rilevanti mill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Kunfidenzjalità

Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar in-negozjati u l-eżitu tagħhom skont l-Artikoli 8 u 11, l-Istati Membri jistgħu jindikaw jekk xi informazzjoni pprovduta għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali u jekk tistax tiġi kondiviża mal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 15

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament qabel … (8).

2.   Ir-rapport għandu jinkludi sintesi tal-awtorizzazzjonijiet mitluba u mogħtija taħt il-Kapitolu III kif ukoll reviżjoni tal-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dak il-Kapitolu.

3.   Fejn ir-rapport jirrakkomanda li ma titkompliex l-applikazzjoni tal-Kapitolu III jew li jiġu mmodifikati d-dispożizzjonijiet tiegħu, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva xierqa.

Artikolu 16

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Ftehimiet ta' Investiment. Dak il-Kumitat għandu jikkostitwixxi kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-4 ta' Ottubru 2012. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(5)  Tletin jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(7)  Tletin jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(8)  Seba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   I. INTRODUZZJONI

Fit-8 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (1).

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u r-riżoluzzjoni leġislattiva korrispondenti matul is-sessjoni plenarja tal-10 ta' Mejju 2011 (2).

Skont il-paragrafi 16-18 tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Arranġamenti Prattiċi għall-Proċedura ta' Kodeċiżjoni (3), il-Presidenza, li topera taħt mandat mill-Coreper (4), kienet involuta f'kuntatti informali mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil bejn l-istituzzjonijiet fl-istadju tal-ewwel qari tal-Kunsill. Sussegwentement, tali qbil intlaħaq fil-laqgħa tat-trilogu informali tad-29 ta' Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat INTA tal-Parlament Ewropew indika fl-ittra tiegħu tal-31 ta' Mejju 2012 lill-President tal-Coreper-II li, jekk il-Kunsill jittrasmetti formalment lill-Parlament il-pożizzjoni tiegħu fil-forma kif tinsab fl-anness għall-ittra tiegħu, huwa jirrakkomanda lill-plenarja biex taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, soġġett għall-verifika legali-lingwistika, fit-tieni qari tal-Parlament.

Fis-26 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill approva l-qbil politiku msemmi hawn fuq (5).

II.   OBJETTIV TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 stabbilixxa l-kompetenza esklużiva tal-UE fil-qasam tal-investiment barrani dirett, bħala parti mill-politika kummerċjali komuni (Artikolu 207(1) TFUE). F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni adottat proposta għar-Regolament imsemmi hawn fuq li jindirizza biss l-aspetti transizzjonali tal-ġestjoni tal-kompetenza l-ġdida tal-UE fil-qasam tal-investiment barrani dirett. L-objettivi, il-kriterji u l-kontenut tal-kompetenza l-ġdida ġew indirizzati f'Komunikazzjoni separata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li ġiet adotta simultanjament mal-proposta leġislattiva (6).

L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jiġi awtorizzat li jibqgħu fis-seħħ ftehimiet internazzjonali relatati mal-investiment li ġew konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi kif ukoll li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet u qafas proċedurali għan-negozjar u l-konklużjoni ta' tali ftehimiet mill-Istati Membri.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

Ġenerali

Il-Kunsill jappoġġa bis-sħiħ l-iżvilupp ta' qafas ta' politika komuni dwar l-investiment li jistabbilixxi kondizzjonijiet indaqs għall-investituri kollha tal-UE f'pajjiżi terzi u għal investituri minn pajjiżi terzi fl-UE.

Peress li l-ftehimiet bilaterali dwar l-investimenti konklużi mill-Istati Membri ma' partijiet terzi huma, s'issa, is-sors prinċipali tal-protezzjoni u s-sigurtà legali għall-investitur Ewropew barra mill-Ewropa, il-qafas legali ġdid m'għandux jaffettwa b'mod negattiv il-protezzjoni u l-garanziji li jgawdi minnhom l-investitur taħt il-ftehimiet attwali. Għall-Kunsill, il-kunċett tas-sostituzzjoni ta' ftehimiet eżistenti tal-Istati Membri bi ftehimiet tal-UE hu ta' importanza ċentrali biex jiġi evitat vojt ġuridiku, u b'hekk jiġu żgurati protezzjoni u ċertezza legali kontinwi għall-investituri.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, li hi r-riżultat ta' qbil politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill, tintroduċi l-modifiki prinċipali li ġejjin għall-proposta tal-Kummissjoni:

Suġġett u ambitu (Kapitolu I - Artikolu 1)

Il-Parlament ma ppropona l-ebda emenda fir-rigward ta' dan l-Artikolu; madankollu, ġew introdotti xi modifiki. Il-paragrafu 1 fih xi kjarifiki meta mqabbel mat-test tal-proposta tal-Kummissjoni kif ukoll jispeċifika li r-Regolament m'għandu l-ebda effett fuq id-diviżjoni tal-kompetenzi stabbilita bit-Trattat. Il-paragrafu 2 il-ġdid fih id-definizzjoni tat-terminu “ftehim bilaterali fil-qasam tal-investiment”.

Żamma fis-seħħ ta' ftehimiet bilaterali eżistenti fil-qasam tal-investiment (Kapitolu II - Artikoli 2-6)

Fl-Artikolu 2, li jkopri n-notifiki lill-Kummissjoni, l-emendi tal-Parlament ġew aċċettati. It-test fih ukoll xi modifiki tekniċi ulterjuri.

Il-kunċett tas-sostituzzjoni li hu ankrat fl-Artikolu 3 (Żamma fis-seħħ) hu ta' importanza kritika biex tiġi żgurata l-protezzjoni kontinwa tal-investituri u b'hekk jingħataw garanzija ta' ċertezza legali. Il-Parlament ma ppropona l-ebda emenda fir-rigward ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 5 li jkopri l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni ġie modifikat fil-fond. Filwaqt li l-Kunsill ma setax jaċċetta parti sostanzjali mill-emenda tal-Parlament, huwa aċċetta l-idea tal-Parlament li jiġi inkluż il-kunċett ta' “ostakolu serju” fit-test immodifikat (li jinsab ukoll f'diversi Artikoli oħrajn). Fl-opinjoni tal-Kunsill, is-sempliċi eżistenza ta' ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment m'għandhiex titqies bħala “ostakolu serju”.

L-Artikolu 6 dwar l-obbligu ta’ kooperazzjoni, jirrappreżenta - flimkien mal-Artikoli 3 u 5 - il-qofol ta' dan ir-Regolament. It-test tal-Kummissjoni ġie mmodifikat sostanzjalment sabiex tiġi enfasizzata l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe ostakolu serju għan-negozjar jew il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment bejn l-UE u pajjiżi terzi kif identifikat mill-Kummissjoni. F'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tindika l-miżuri adatti li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru kkonċernat biex jitneħħew l-ostakoli msemmija hawn fuq. L-emendi tal-Parlament ma segħux jiġi aċċettati.

Awtorizzazzjoni għall-emendar jew il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment (Kapitolu III - Artikoli 7-11)

L-emendi tal-Parlament għall-Artikoli 7 (Awtorizzazzjoni għall-emendar jew il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment), 8 (Notifika lill-Kummissjoni), 9 (Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta' negozjati formali) u 11 (Awtorizzazzjoni għall-iffirmar jew il-konklużjoni ta' ftehim bilaterali fil-qasam tal-investiment) ġew aċċettati parzjalment. Fir-rigward tal-Artikolu 10 (Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati), l-emenda tal-Parlament ma setgħetx tiġi aċċettata peress li nżamm it-test tal-proposta tal-Kummissjoni.

Dispożizzjonijiet finali (Kapitolu IV - Artikoli 12-17)

Matul il-kuntatti informali mal-Parlament, il-Kunsill qabel li jsegwi s-suġġeriment tiegħu li jdaħħal fir-Regolament Artikolu 12 ġdid dwar ftehimiet iffirmati mill-Istati Membri bejn id-dħul fis-seħħ tat-TFUE, jiġifieri l-1 ta' Diċembru 2009, u d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għalkemm il-Parlament ma ppropona l-ebda emenda f'dan ir-rigward fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari. B'dan il-mod, il-Kunsill wera biċ-ċar ir-rikonoxximent sħiħ tiegħu tal-kompetenza l-ġdida tal-UE fil-qasam tal-investiment barrani dirett. Dan l-Artikolu jkopri l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti (notifika mill-Istati Membri, valutazzjoni u awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni) għall-kategorija msemmija hawn fuq ta' ftehimiet bilaterali fil-qasam tal-investiment.

Fir-rigward tal-Artikolu 15 (Analiżi), intlaħaq qbil dwar kompromess rigward meta għandu jsir ir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, jiġifieri, seba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament minflok l-għaxar snin proposti mill-Parlament u l-Kunsill u l-ħames snin kif propost inizjalment mill-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-Artikolu 16 (Proċedura ta' Kumitat), il-Kunsill aċċetta l-emenda tal-Parlament biex isir użu tal-proċedura ta' konsultazzjoni.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-qbil li ntlaħaq fil-kuntatti informali bejn il-Kunsill u l-Parlament, iffaċilitati mill-Kummissjoni. Filwaqt li jissodisfa r-rekwiżit ewlieni li jiġu żgurati protezzjoni u ċertezza legali kontinwi għall-investituri, it-test jipprevedi wkoll l-eżerċizzju effettiv tal-kompetenza esklużiva ġdida tal-UE fir-rigward tal-investiment barrani dirett. Għaldaqstant, il-Kunsill jistenna li il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tkun aċċettabbli għall-Parlament.


(1)  Dok. 11953/10 WTO 252 FDI 12.

(2)  Dok. 9726/11 CODEC 749 WTO 195 FDI 12 PE 206.

(3)  ĠU C 145, 30.6.2007, p. 5.

(4)  Dok. 10908/11 WTO 228 FDI 15 CODEC 950.

(5)  Dok. 10892/12 WTO 216 FDI 17 CODEC 1557.

(6)  Doc. 11952/10 WTO 251 FDI 11. Abbażi ta' dan, il-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 adotta konklużjonijiet dwar politika komprensiva ta' investiment internazzjonali Ewropew (dok. 14373/10).


DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW, MILL-KUNSILL U MILL-KUMMISSJONI

Il-fatt li dan ir-Regolament, u partikolarment il-premessi 17, 18 u 19 jipprevedu l-użu tal-proċeduri msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 ma jikkostitwixxix preċedent fir-rigward ta' regolamenti futuri li jippermettu lill-Unjoni tagħti s-setgħa lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(1) TFUE biex jippromulgaw liġijiet u jadottaw atti legalment vinkolanti f'oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'dan ir-Regolament, l-użu tal-proċedura konsultattiva minflok dik ta' eżami m'għandux jitqies li qed jistabbilixxi preċedent għal regolamenti futuri li jistabbilixxu l-qafas għall-politika kummerċjali komuni.