ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.351.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 351

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
15 ta' Novembru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-483 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012

2012/C 351/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tkabbir intelliġenti u inklużiv (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2012/C 351/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

6

2012/C 351/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli fil-post tax-xogħol — b’mod partikolari, kwistjonijiet marbutin mad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

12

2012/C 351/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

16

2012/C 351/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

21

2012/C 351/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

27

2012/C 351/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali u l-prevenzjoni tal-problemi marbutin magħhom (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

31

2012/C 351/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

36

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-483 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012

2012/C 351/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-eliminazzjoni tal-ostakoli transkonfinali marbuta mat-taxxa fuq il-wirt fl-UECOM(2011) 864 final

42

2012/C 351/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEsCOM(2011) 870 final

45

2012/C 351/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajlCOM(2011) 941 final

52

2012/C 351/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE)COM(2012) 35 final — 2012/0022 (APP)

57

2012/C 351/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizziCOM(2012) 131 final — 2012/0061 COD

61

2012/C 351/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli — Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)COM(2011) 899 final

65

2012/C 351/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-TfalCOM(2012) 196 final

68

2012/C 351/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq internCOM(2012) 238 final

73

2012/C 351/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonnCOM(2012) 22 final

77

2012/C 351/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009COM(2012) 298 final — 2012/0158 (COD)

83

2012/C 351/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrijaCOM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD) u dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klimaCOM(2012) 94 final

85

2012/C 351/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-SajdCOM(2012) 277 final — 2012/143 (COD)

89

2012/C 351/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolatCOM(2012) 332 final — 2012/162 (COD)

90

2012/C 351/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresta tal-kategorija kwalifikati fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni u l-aġġornament tal-isem tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoniCOM(2012) 355 final — 012/172 (COD)

91

2012/C 351/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u billi taġġorna l-ismijiet ta’ pajjiż terz u tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoniCOM(2012) 343 final — 2012/0165 (COD)

92

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-483 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012

15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tkabbir intelliġenti u inklużiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/01

Relatur: is-Sur BARÀTH

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Tkabbir intelliġenti u inklużiv.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-fehma tal-KESE, tkabbir għat-tul, sostenibbli u intelliġenti huwa impossibbli mingħajr proċess ta’ rkupru. Għalhekk, l-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, huwa b’mod ġenerali adatt, iżda, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet hemm bżonn ta’ taħlita bbilanċjata ta’ politika makroekonomika kif ukoll riformi strutturali u għadd ikbar ta’ strumenti li jkunu wkoll ta’ kwalità aħjar.

1.2

L-implimentazzjoni intelliġenti tal-Istrateġija saret iżjed importanti f’daż-żmien ikkaratterizzat minn bosta sfidi kbar. Jeħtieġ li nibnu fuq jew nirfinaw l-Istrateġija billi nadattawha għas-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali. Jeħtieġ li jinstab bilanċ ġdid bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.

1.3

Bil-għan li nibdlu d-direzzjoni kif meħtieġ, l-Unjoni għandha turi li għandha r-rieda politika u viżjoni konkreta favur integrazzjoni sostanzjalment iżjed profonda. Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu wkoll il-forom ta’ kooperazzjoni f’diversi livelli bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, bil-għan li jkun hemm “Ewropa aktar preżenti” u “Ewropa aħjar”.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li titkompla tissaħħaħ il-governanza b’risq il-politika ekonomika u ta’ żvilupp, jiżdiedu d-diversità u l-kwantità tal-fondi pubbliċi u jkun hemm appoġġ għal riformi strutturali iżjed rapidi fl-Istati Membri.

1.5

Il-KESE jiddikjara li jista’ jappoġġja l-approċċ ġenerali u l-orjentazzjoni tal-abbozzi ta’ regolamentazzjoni previsti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-qafas finanzjarju multiannwali (QFM) u l-qafas strateġiku komuni (QSK).

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li l-miżuri bil-għan li jittejbu l-istabbiltà, it-tkabbir u l-impjieg u jitnaqqas il-faqar mhumiex biżżejjed, u li huwa indispensabbli li jittejbu l-istrumenti eżistenti.

1.7

Jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Il-miżuri meħuda bil-għan li jiġu kkonsolidati l-bażijiet tat-tkabbir, bħall-unjoni bankarja Ewropea (ir-regolamentazzjoni, is-superviżjoni, is-salvataġġ u l-garanzija tad-depożiti tas-settur bankarju Ewropew) jew il-ħruġ ta’ bonds marbutin mal-proġetti, jikkostitwixxu stadju importanti u jeħtieġ li l-implimetazzjoni tagħhom issir b’pass iżjed mgħaġġel. Għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Bank Ċentrali Ewropew.

1.8

Il-KESE huwa tal-fehma li fil-qasam tal-politika ta’ żvilupp, id-definizzjoni tal-“oqfsa” biss mhijiex biżżejjed. It-tilħiq tal-għanijiet jista’ jsir b’pass iżjed mgħaġġel permezz ta’ żieda fl-investimenti mmirati u billi jitfasslu, fil-livell Ewropew, programmi pan-Ewropej, transsettorjali u multidimensjonali. Fil-bosta pajjiżi fejn it-twettiq tar-riformi strutturali huwa kwistjoni deċiżiva bħalissa, dan il-proċess għandu jitħeġġeġ permezz tal-politika ta’ żvilupp.

1.9

Ir-rabta bejn it-tkabbir “intelliġenti” u “inklużiv” tista’ tiġi żgurata, fost affarijiet oħra, permezz tal-għan li jiżdied l-impjieg u jiġu appoġġjati n-netwerks li jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Għal dan il-għan, jeħtieġ li s-suq uniku jiġi kkonsolidat f’għadd ta’ oqsma.

1.10

Madankollu, il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tibqa’ ffukata biss fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività. Il-fondi u l-programmi kollha għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-għanijiet soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-ħolqien tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.

1.11

Il-KESE huwa tal-fehma li ċerti proposti dwar il-perjodu 2014-2020, pereżempju t-tfassil ta’ strateġiji makroreġjonali, għandhom jiġu sostnuti minn strumenti adegwati.

1.12

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, jekk tiġi estiża għal għanijiet Ewropej komuni oħra u tkun iffinanzjata anke minn riżorsi mis-settur privat, tista’ tkun eżempju tajjeb ta’ integrazzjoni msaħħa.

1.13

L-armonizzazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta’ koeżjoni titlob ukoll perspettiva territorjali fil-livell Ewropew u l-istrumenti relatati. It-tħejjija ta’ strateġija Ewropea ta’ żvilupp territorjali għandha ssir b’pass iżjed mgħaġġel.

1.14

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li l-esperti u ċ-ċittadini jiġu involuti b’mod iżjed wiesa’ fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, jipproponi d-definizzjoni tat-12-il għan tematiku fil-qafas strateġiku komuni, bil-għan li jiġu kkonsolidati “l-komunikazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili”.

2.   Introduzzjoni

2.1

F’dawn l-aħħar snin – minħabba, minn naħa, it-tibdil dinji u, min-naħa l-oħra, it-tkabbir, kif ukoll il-kriżi u t-tweġiba tal-Ewropa għaliha – l-Unjoni saret iżjed kumplessa, saħansitra b’veloċitajiet differenti, u l-interessi nazzjonali saru iżjed diverġenti.

2.2

Kibret it-theddida tal-kunflitti soċjopolitiċi u qed jiħraxu l-forzi politiċi estremisti. Probabbilment, il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, finanzjarja, soċjali u dik tas-solidarjetà ser tibqa’ l-prijorità prinċipali tal-Ewropa sa nofs dan id-deċennju. Sfortunatament, il-produzzjoni qed tonqos b’mod sostanzjali f’bosta Stati Membri. L-istabbilizzazzjoni finanzjarja u t-tkabbir jinsabu f’kunflitt, u minħabba n-nuqqas ta’ tkabbir, l-isforzi biex tinkiseb l-istabbiltà jinsabu huma wkoll f’kunflitt mas-solidarjetà.

2.3

Dawn mhumiex is-sisien li fuqhom inbniet l-Istrateġija Ewropa 2020. Hija tikkunsidra l-kriżi, iżda ma tqisx li hija daqstant profonda u li ser tieħu tant fit-tul.

2.4

L-UE għandha bżonn kemm ta’ konsolidazzjoni baġitarja kif ukoll ta’ programm effikaċi ta’ tkabbir. Hemm tama li t-tnaqqis fid-domanda, ikkawżat mill-konsolidazzjoni fiskali essenzjali, tista’ tiġi kkumpensata, fuq perjodu twil ta’ żmien, jekk il-konsolidazzjoni titfassal b’mod intelliġenti u bbilanċjat.

2.5

Fil-fehma tal-KESE, il-qafas finanzjarju multiannwali (QFM) propost mill-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 huwa kompromess relattivament inaċċettabbli. Jekk jirnexxilna nżidu r-riżorsi proprji tal-UE u nużawhom b’mod iżjed effettiv u effiċjenti, u norjentawhom mill-ġdid b’mod li jkunu marbutin b’mod dirett mal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-riformi strutturali, inkunu nistgħu nikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku.

2.6

Madankollu, il-proposta ma tindirizzax biżżejjed la l-problemi marbutin mal-irkupru u lanqas dawk marbutin mat-tensjonijiet soċjali. L-għajnuna finanzjarja (indubbjament sostanzjali) mogħtija lill-pajjiżi li qed jiffaċċjaw problemi ta’ bilanċ baġitarju naqqret mir-riżorsi tal-pajjiżi donaturi.

2.7

Il-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tibqa’ ffukata biss fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività. Il-fondi u l-programmi kollha għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-għanijiet soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-ħolqien tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, eċċ.

2.8

Qed isir tibdil relattivament sostanzjali fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni. Ormajn, l-enfasi qiegħda fuq it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi u fuq il-konverġenza territorjali. Madankollu, tinħtieġ bidla fundamentali jekk irridu niksbu tkabbir inklużiv, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-riżorsi ddedikati għall-politika ta’ koeżjoni la huma “donazzjonijiet” u lanqas “sussidji”, iżda jagħmlu parti mill-politika Ewropea ta’ investiment, u b’hekk jeħtieġ li jiġu applikati b’mod effikaċi.

2.9

Bil-għan li jkun hemm tkabbir inklużiv u sostenibbli, flimkien mal-kriterji tradizzjonali, ir-rwol determinanti ta’ ċerti fatturi “rotob”(soft) jissaħħaħ (pereżempju, is-sitwazzjoni sanitarja u demografika, il-livell u d-dinamika tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, eċċ.), filwaqt li qed issir dejjem iżjed urġenti l-ħtieġa li jkun hemm ambjent b’saħħtu. L-iżjed dokumenti reċenti bilkemm jindirizzaw il-possibbiltà li dan il-qasam jingħata l-għajnuna Ewropea meħtieġa.

2.10

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta dwar il-ftuħ tas-suq tax-xogħol bil-għan li jinbidlu t-tendenzi negattivi. Is-sussidji jistgħu jagħtu spinta kemm lid-domanda kif ukoll lill-provvista. Huwa partikolarment importanti li tiġi żgurata t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u li jitneħħew l-ostakli legali, amministrattivi u fiskali differenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-iżvilupp dinamiku li tfittex li tikseb l-Istrateġija Ewropa 2020 ma jwassalx, kif ikun opportun, għas-semplifikazzjoni tas-sistema istituzzjonali, it-titjib tal-effiċjenza tagħha u l-iżvilupp proporzjonat tal-istrumenti li jistgħu jintużaw għal dan l-għan.

3.2

Huwa kruċjali li, fl-iżjed sitwazzjonijiet diffiċli, jintużaw kemm jista’ jkun ir-riżorsi intellettwali. Jagħmel sens li nikkonsolidaw il-korpi permanenti jew temporanji, li huma kompetenti fil-qasam tal-valutazzjoni, il-konsulenza, il-monitoraġġ u l-previżjoni u li jaħdmu id f’id mal-korpi leġislattivi u eżekuttivi. L-aspetti li ġejjin, pereżempju, jistħoqqilhom jiġu analizzati:

il-konsegwenzi fit-tibdil fl-ekwilibriju politiku dinji;

id-definizzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni bejn il-kompetizzjoni, il-kooperazzjoni u s-solidarjetà, li jikkostitwixxu l-prinċipji fundamentali tal-UE;

l-istabbiliment ta’ governanza msejsa fuq l-iżvilupp u t-tkabbir;

il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi (miżuri ta’ bilanċ makroekonomiku, u dawk fiskali, monetarji u makroprudenzjali) meħtieġa għall-ħolqien ta’ Unjoni ekonomika effikaċi;

it-tiġdid tal-istruttura istituzzjonali attwali msejsa fuq ir-responsabbiltà, li diġà hija kemxejn opaka.

3.3

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-funzjonament tal-Unjoni jkun trasparenti u li tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva. Ikun tajjeb li jsir użu ikbar mill-forums tal-internet jew, fejn ikun aħjar li l-iskambju tal-fehmiet isir wiċċ imb’wiċċ, jiġu organizzati u/jew appoġġjati konferenzi ta’ livell għoli u fuq skala wiesgħa, u li flimkien magħhom isiru wkoll dibattiti fil-parlamenti nazzjonali. Nirrakkomandaw li tissaħħaħ il-komunikazzjoni tal-UE u li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar ċerti negozjati tal-UE; għal għadd limitat ta’ każijiet, kull ċittadin għandu jkun jista’ jsegwi n-negozjati onlajn jew ikollu aċċess għad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-votazzjoni.

3.4

L-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa partikolarment ambizzjuż. Iżda, kif diġà enfasizza l-KESE f’għadd ta’ opinjonijiet, il-kalendarju previst ma jirriflettix tajjeb ir-riżorsi użati, l-iżjed meta nqisu l-esperjenza “storika” kemm negattiva, bħal fil-każ tal-ewwel strateġija msejħa ta’ “Lisbona”, kif ukoll dik pożittiva, bħal fil-każ tal-miżuri rapidi u effikaċi msemmija qabel, li jittieħdu fil-qasam tal-governanza ekonomika.

3.5

Mil-lat ta’ proċedura u implimentazzjoni, il-miżuri u l-abbozzi ta’ regolamentazzjoni previsti bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jintużaw il-Fondi Strutturali u dawk ta’ koeżjoni, jirriflettu biss sommarjament il-lezzjonijiet li tgħallimna matul il-perjodu ta’ programmazzjoni sal-2013.

3.6

Il-prinċipji u l-proposti tematiċi msemmija fil-qafas strateġiku komuni (QSK) joffru opportunitajiet tajbin biex naslu għal “Ewropa aktar preżenti” u “Ewropa aħjar”. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed biex dawn l-opportunitajiet jitwettqu b’mod konkret. Sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati d-dettalji, ċerti pajjiżi għandhom jeżaminaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-ippjanar.

3.7

F’dawn l-aħħar deċennji, ħareġ fid-dieher approċċ Ewropew wiesa’, li jista’ jiġi adattat għal-livell reġjonali, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp u fi proġetti ewlenin ta’ infrastruttura (f’dan l-aħħar każ, dan it-tip ta’ approċċ kien inevitabbli minħabba n-natura tal-kompitu). L-istrateġiji tal-UE, inklużi l-11-il għan tematiku, mhumiex kompluti f’dak li jikkonċerna l-politiki ekonomiċi settorjali u l-programmi multidimensjonali ta’ żvilupp territorjali.

3.8

Fid-dawl tal-istrateġija futura ta’ żvilupp territorjali, jeħtieġ li jiġu definiti għanijiet u strumenti li jħeġġu wkoll il-kooperazzjoni ekonomika u soċjali fil-livell makroreġjonali, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

it-tisħiħ tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-innovazzjoni (“oqsma ta’ riċerka”), billi jiġu privileġġjati ċ-ċentri ta’ kompetenza, bil-għan li ċ-ċentri ta’ eċċellenza jiġu kkolleggati u li l-poli ta’ żvilupp fl-Ewropa jingħataw spinta;

investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-intrapriżi, żvilupp ta’ prodotti u servizzi, eċċ., l-internalizzazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni lokali (clusters), u appoġġ għall-ħolqien ta’ netwerks Ewropej;

sistemi tat-trasport apparti n-netwerks tal-infrastruttura TEN-T (ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, ħarsien tal-ambjent, sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, eċċ.);

netwerk istituzzjonali, żvilupp minn isfel għal fuq tal-livelli makroreġjonali u transnazzjonali tal-amministrazzjoni pubblika, eċċ.

3.9

Dawn l-aħħar għaxar snin kienu, minn naħa, ikkaratterizzati mill-opportunitajiet li pprovdew is-sistemi urbani u, min-naħa l-oħra, mit-tensjonijiet dejjem iżjed palpabbli u kważi impossibbli li jiġu kkontrollati li akkumulaw fi ħdanhom.

3.10

In-netwerking tal-agglomerazzjonijiet, il-poli u l-konċentrazzjonijiet ta’ attivitajiet estremament żviluppati relatati mal-kunċett tal-eċċellenza jista’ jkun eżempju validu ta’ żvilupp dinamiku u inklużiv, iżda sostenibbli.

3.11

Il-viżjoni ta’ Ewropa kkollegata, bħala parti minn strateġija makroreġjonali, tista’ testendi l-linji gwida tematiċi meħtieġa għall-integrazzjoni politika, istituzzjonali, ekonomika u soċjali għall-aspetti tal-infrastratuttura, u b’hekk twassal biex l-għanijiet fil-livell makroreġjonali jintlaħqu b’mod iżjed effikaċi. Approċċ ta’ din ix-xorta ma jmurx kontra d-distribuzzjoni proporzjonata u bbilanċjata tar-riżorsi.

3.12

F’opinjoni preċedenti, il-KESE diġà kien irrakkomanda d-definizzjoni ta’ qafas finanzjarju Ewropew ġdid għat-twaqqif ta’ proġetti “ta’ interess Ewropew speċjali”.

3.13

Ikun tajjeb li tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija. Fil-fatt, f’każ ta’ appoġġ politiku, l-UE tista’ titkellem b’leħen wieħed fix-xenarju dinji, u tkun ukoll tista’ tiddefendi b’mod iżjed effettiv l-aspetti strateġiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

3.14

Fin-nuqqas ta’ progress kunċettwali fil-livell Ewropew, id-definizzjoni tal-abbozzi ta’ regolamentazzjoni u l-oqfsa finanzjarji għall-perjodu 2014-2020 ser terġa’ toħloq pressjoni li ġġiegħel lill-Istati Membri jfittxu soluzzjonijiet individwali, li ta’ spiss ikunu inqas effettivi.

3.15

Il-KESE jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu kif imiss jekk, abbażi tal-kompożizzjoni tiegħu, ikun jista’ juża l-għarfien espert tiegħu skont metodoloġija sofistikata biex jesprimi fehmietu li jirriflettu r-relazzjoni bejn l-interessi ekonomiċi, il-valuri soċjali u l-kriterji tas-sostenibbiltà u tat-tkabbir.

4.   Proposti oħra

4.1

L-Istrateġija Ewropa 2020, is-sistema regolatorja mfassla biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni wara l-2014 u l-Qafas Strateġiku Komuni huma eżempji tar-rikonoxximent ta’ x’jimplika żvilupp integrat.

4.2

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li, lil hinn minn dan ir-rikonoxximent, il-kompetizzjoni dinjija titlob ukoll it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi iżjed konkreti u iżjed globali.

4.3

L-għan prinċipali li għandu jintlaħaq permezz tat-tkabbir intelliġenti u inklużiv li għandha fil-mira tagħha l-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li, fil-livell makroreġjonali, tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-inklużjoni tal-Unjoni filwaqt li, fil-livell mikroreġjonali, għandu jiġi żgurat titjib kontinwu u sostenibbli fil-kwalità ta’ ħajjet iċ-ċittadini tal-Unjoni, abbażi ta’ tkabbir kwalitattiv u kwantitattiv tal-impjieg.

4.4

Għall-finijiet ta’ effikaċja u effiċjenza, jeħtieġ li, meta jiġi ppjanat l-użu tar-riżorsi Ewropej, tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ attivitajiet interkonnessi u interdipendenti, li jistgħu jiġu rappreżentati bħala sistemi ta’ produzzjoni lokali (clusters) speċifiċi, integrati u multidimensjonali.

4.4.1

Fil-każ tal-għanijiet transsettorjali, li għandhom rilevanza makroekonomika u għalhekk, jinfluwenzaw il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, ikun tajjeb li niffukaw fuq korpi li tpoġġew f’relazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ prestazzjoni tas-servizzi, li jipparteċipaw fil-proċess ta’ żvilupp jew huma affettwati direttament minn dan il-proċess.

4.4.2

Matul il-fażi tal-ippjanar, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll in-netwerks territorjali (reġjonali u lokali) tal-atturi (benefiċjarji) involuti fil-proċess, u s-sistema tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

4.5

L-analiżi u l-ippjanar ta’ dawn iż-żewġ sistemi interdipendenti, u l-appoġġ tagħhom għal-livell tal-Unjoni, jagħmlu possibbli li jkun hemm effett ikkombinat fuq it-tkabbir intelliġenti u inklużiv.

4.6

Fl-għaxar snin li għaddew, l-iżjed minħabba l-infrastrutturi żviluppati permezz ta’ riżorsi Ewropej, l-istruttura territorjali ta’ dawn il-proċessi ta’ produzzjoni fl-Ewropa nbidlet b’mod radikali u, fi ħdan ir-reġjuni inqas żviluppati, wasslet għall-iżvilupp ta’ għodod u ta’ kultura ta’ produzzjoni, it-tiġdid tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, it-titjib tal-impjieg u ż-żieda fid-dħul u fil-konsum.

4.7

Il-konfigurazzjoni tal-istruttura spazjali tal-ekonomija hija ddeterminata minn kundizzjonijiet li jistgħu jiġu garantiti fil-livell mikroekonomiku, marbutin mill-qrib mal-kriterju tas-“sostenibbiltà” definit fl-Istrateġija.

4.8

Ċerti fatturi huma deċiżivi, b’mod partikolari l-kwalifikazzjoni u l-età tal-manodopera, it-taħriġ vokazzjonali, il-livell tal-kultura tax-xogħol inġenerali, it-tkabbir tal-impjieg u l-kwalità tas-servizzi. Il-qagħda ta’ saħħet il-popolazzjoni lokali, il-kwalità tal-ambjent, iżda ċertament ukoll il-livell ta’ żvilupp tal-infrastruttura kummerċjali u materjali, kif ukoll is-sistemi tal-loġistika huma kundizzjonijiet importanti.

4.9

Il-kompetittività tal-Ewropa tiddependi l-iżjed minn evoluzzjoni kkoordinatata’ din ix-xorta, li kapaċi tikkollega l-livelli makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi.

4.10

Ir-riorjentazzjoni tar-riżorsi tista’ tkun iġġustifikata, bil-kundizzjoni ta’ użu effikaċi u razzjonali, minħabba li:

l-ewwel nett: jista’ jintwera li l-investimenti li joħorġu mill-baġit tal-Unjoni fil-livell tal-Unjoni jiġġeneraw, fil-livell makroekonomiku, tkabbir li huwa ta’ livell ogħla mill-medja tar-riżultati finanzjarji u tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ trasferimenti teknoloġiċi avvanzati, persentaġġ għoli ta’ importazzjonijiet fl-investimenti, forza tax-xogħol ikkwalifikata, il-benefiċċji ta’ infrastruttura inqas għalja, u investimenti li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju u jissejsu fuq infrastruttura moderna;

it-tieni nett: it-tkabbir tas-suq intern, il-moviment liberu tas-servizzi, it-tixrid tal-attivitajiet fuq skala kbira, it-tkabbir tal-bażi tal-għarfien huma lkoll fatturi li jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-attivitajiet tal-innovazzjoni u l-irkupru;

it-tielet nett: fil-livell mikroekonomiku, l-għajnuniet finanzjarji li jistgħu jinkisbu permezz tal-Fondi Strutturali jfissru, l-iżjed għas-settur tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), suq, aċċess għas-suq u riżorsa ta’ żvilupp u, fl-istess ħin, it-tkabbir tas-suq tax-xogħol;

fl-aħħar nett: huwa konsiderevoli l-impatt potenzjali tal-integrazzjoni u l-irkupru li jistgħu jibbenefikaw minnu l-iżjed gruppi soċjali żvantaġġati, li huma esklużi mis-suq tax-xogħol b’modi differenti.

4.11

Rigward l-appoġġ tal-UE għas-setturi ekonomiċi (b’mod partikolari meta jiġi f’forma ta’ sussidji), ġeneralment hemm qbil li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju involuti f’attivitajiet innovattivi u f’reġjuni industrijali li sejrin lura milqutin minn tibdil strutturali huma l-oqsma li l-iżjed jeħtiġuh. Fil-każ tal-ktajjen ta’ produzzjoni, sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti u inklużiv jew irkupru, l-idea ta’ “intrapriża” tista’, f’ċerti reġjuni jew muniċipji li għadhom lura fl-iżvilupp, titlob li l-appoġġ jiġi estiż għall-SMEs.

4.12

Fil-każ tal-ktajjen tal-innovazzjoni, il-clusters u s-sistemi ta’ produzzjoni lokali li joperaw b’mod tajjeb, ikun tajjeb nikkunsidraw jekk ikunx utli li niżguraw flessibbiltà ikbar lill-intrapriżi l-kbar li għandhom għeruq sodi f’territorju partikolari, minn naħa, u lill-fornituri, min-naħa l-oħra, u nipprovdulhom ukoll finanzjament multiplu u kkombinat.

4.13

Il-qasam tas-saħħa huwa eżempju tajjeb tal-iżvilupp ta’ strateġiji multidimensjonali. In-netwerk marbut mal-industrija tas-saħħa jestendi mis-saħħa u l-edukazzjoni ambjentali sas-setturi differenti tal-produzzjoni kollegati miegħu, li jinkludu t-taħriġ, bis-sehem tal-industrija tal-ambjent, l-industrija tas-saħħa, it-turiżmu mediku, ir-riċerka bijoloġika, il-manifattura tat-tagħmir u tal-edukazzjoni għolja assoċjata ma’ dan, iċ-ċentri industrijali sperimentali u innovattivi kif ukoll l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fi ħdanhom; fl-istess ħin, dawn l-oqsma kollha jinteraġixxu ma’ dan in-netwerk. F’dan ir-rigward, jissaħħaħ b’mod sostanzjali r-rwol tal-ekonomija tal-persuni mdaħħlin fl-età.

4.14

Il-KESE analizza f’għadd ta’ studji l-importanza tal-ekonomija soċjali bħala fattur deċiżiv tal-politika inklużiva ta’ tkabbir.

4.15

L-interazzjoni ekonomika u finanzjarja bejn l-attivitajiet li jistgħu jsiru fi ħdan in-netwerks tal-istess tip ta’ dawk imsemmija bħala eżempju jista’ jkollha impatt sostanzjali fuq ir-ristrutturazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri, li min-naħa tagħha tista’ twassal għal tibdil fl-approċċ u l-attitudni tas-soċjetà.

4.16

Il-viżjoni makroreġjonali ta’ żvilupp issaħħaħ ir-ristrutturazzjoni territorjali Ewropea poliċentrika li, minn naħa, twassal għall-konsolidazzjoni tal-konċentrazzjoni meħtieġa tal-attivitajiet u, min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tisħiħ tas-sitwazzjonijiet lokali differenti, twassal għat-tqassim tal-ħidma fi ħdan in-netwerk, u b’hekk jiġi garantit l-ideal tas-sostenibbiltà.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/02

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għan ta’ din l-opinjoni hu li tikkontribwixxi għall-informazzjoni u d-diskussjonijiet dwar l-l-iżvilupp potenzjali fil-livell Komunitarju, ta’ miżuri leġislattivi u oħrajn sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu protetti minn ċerti tipi ta’ reklamar li jew jużaw it-tfal b’mod ħażin fir-reklami tagħhom jew inkella jimmirawhom b’mod ta’ ħsara għalihom jew jesponuhom bi kwalunkwe mezz għal messaġġi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tajjeb tagħhom.

1.2

Hawnhekk qiegħda fil-periklu l-protezzjoni tad-drittijiet bażiċi tat-tfal fl-UE, hekk kif imniżżla fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Artikolu 24 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u fl-Artikolu 3(3) tat-TUE. Dawn id-drittijiet ġew interpretati sew fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (COM(2006) 367 final, mhux disponibbli bil-Malti), fil-Proposta dwar “Programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni” (COM(2008) 106 final) (1), u fil-Komunikazzjoni dwar l-“Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (COM(2011) 60 final).

1.3

Ir-reklamar li juża b’mod ħażin lit-tfal għal skopijiet mhux relatati ma’ kwistjonijiet li jikkonċernawhom direttament huwa offiża għad-dinjità tal-bniedem u għall-integrità fiżika u mentali tagħhom u għandu jkun ipprojbit.

1.4

Ir-reklamar immirat lejn it-tfal jinvolvi riskji addizzjonali skont il-grupp ta’ età involut, b’konsegwenzi dannużi għas-saħħa fiżika, mentali jew morali tagħhom. Huwa ta’ dannu partikolari t-tħeġġiġ għal konsum żejjed, li jwassal għal dejn u l-konsum ta’ ikel u prodotti oħra li huma ta’ dannu jew perikolużi għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom.

1.5

F’termini aktar ġenerali, il-kontenut partikolarment vjolenti, razzist, ksenofobiku, erotiku jew pornografiku ta’ wħud mir-reklami jista’ jkollu effetti irriversibbli fuq l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali u ċiviku tat-tfal, li jwassal għal attakki ta’ vjolenza jew interess sesswali minn kmieni.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jiġu analizzati bir-reqqa ħafna u jitpoġġew f’qafas tal-UE, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ salvagwardja tad-drittijiet fundamentali: hija meħtieġa wkoll għaliex ir-regolamenti nazzjonali differenti qed jipperikolaw il-ħidma bla tfixkil tas-suq intern. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita fil-livell Ewropew età minima universali għal reklamar speċifikament immirat lejn it-tfal.

1.7

Il-KESE jqis li jeħtieġ li titqiegħed enfasi speċjali fuq l-għoti tas-setgħa, l-infurmar u l-edukazzjoni tat-tfal, minn età żgħira, dwar l-użu tajjeb tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u kif għandhom jiġu interpretati l-messaġġi tar-reklami. Dawn is-suġġetti għandhom jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-iskola fil-livelli kollha. Il-ġenituri għandu jkollhom il-kapaċità li jgħinu lit-tfal tagħhom jinterpretaw il-messaġġi tar-reklami.

1.8

Il-KESE jemmen li l-pubbliku inġenerali u, b’mod aktar partikolari, il-familji u l-għalliema, għandhom jirċievu wkoll informazzjoni u taħriġ biex jiġu mgħejuna jipproteġu t-tfal tagħhom b’mod aktar effettiv.

1.9

Il-KESE, bl-użu kemm ta’ inizjattivi ta’ awtoregolamentazzjoni kif ukoll koregolamentazzjoni (mhux biss dawk li diġà ġew adottati iżda anki dawk li jridu jiġu promossi), jistieden lil dawk li jirreklamaw u lill-isponsors jadottaw u japplikaw l-ogħla livelli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u jaraw li dawn qed jiġu infurzati.

1.10

Il-KESE jqis li l-qafas legali Komunitarju ma jissodisfax il-ħtiġijiet attwali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fir-rigward tal-messaġġi tar-reklami, u speċifikament dawk imwassla mill-mezzi tax-xandir awdjoviżivi, l-internet u permezz tan-netwerks soċjali. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tirrifletti dwar il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri aktar restrittivi u trasversali sabiex dawn id-drittijiet jiġu garantiti b’mod effettiv.

1.11

Il-KESE jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali biex ikomplu b’mod riżolut it-tradizzjoni tagħhom li jappoġġjaw id-drittijiet tat-tfal f’dan il-qasam speċjali.

2.   L-impatt tar-reklamar fuq it-tfal

2.1

Il-KESE jippromovi ekonomija tas-suq soċjali, regolata sew sabiex tippromovi kompetizzjoni sana u ġusta u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, bil-ħsieb li jitwettaq is-suq intern bħala mezz għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jiġu rispettati b’mod xieraq il-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.2

F’dan il-kuntest il-KESE jagħraf li r-reklamar, fil-forom kollha tiegħu, għandu rwol importanti li ġie spjegat fil-qosor mill-International Advertising Association (IAA – l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Reklamar), li l-fehma tagħha tenfasizza b’mod partikolari r-rwol tagħha fit-tixrid tal-innovazzjoni, it-tħeġġiġ tal-kreattività u d-divertiment, u l-provvediment ta’ inċentivi għall-kompetizzjoni u l-estensjoni tal-għażla. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li r-reklamar jaġixxi bħala sors importanti ta’ informazzjoni u kjarifikazzjoni għall-konsumaturi, li huwa l-ġustifikazzjoni u l-bażi għar-regolamentazzjoni tiegħu fil-livell Komunitarju.

2.3

F’opinjoni ta’ natura bħal din, u b’dan il-għan f’rasna, jagħmel sens li niddedikaw taqsima għall-influwenza tal-mezzi tax-xandir inġenerali, b’mod speċjali t-televixin, l-internet u n-netwerks soċjali, li saru l-aktar mezzi importanti għar-reklamar ta’ messaġġi għat-tfal u ż-żgħażagħ kemm bħala utenti kif ukoll bħala spettaturi passivi. Ikun ukoll ta’ għajnuna li tiġi studjata l-imġiba differenti tat-tfal fir-rigward tal-midja soċjali skont l-età u l-isfond soċjali tagħhom, inkluż il-fenomenu magħruf sew tat-tfal li jagħżlu ‘l-idoli’ u “t-tendenzi tal-imġiba soċjali”, jew l-“istili ta’ ħajja” bħala fatturi li jiddefinixxu l-personalità, fatturi li huma sfruttati mill-metodi ta’ reklamar (2). Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ spazju, dawn ser jiġu kkunsidrati bħala fatti u li l-aspetti kollha ta’ din il-kwistjoni huma magħrufa sew u hemm qbil dwarhom, b’mod speċjali fir-rigward tar-rwol li għandhom il-mezzi tax-xandir imsemmija hawn fuq biex jinfurmaw, iħarrġu u jiddevertu liż-żgħażagħ u l-ħin li ż-żgħażagħ iqattgħu jużawhom. Uħud minn dawn l-aspetti ġew indirizzati jew qed jiġu indirizzati attwalment f’opinjonijiet oħra tal-KESE (3).

3.   Reklamar li juża t-tfal bħala mezz għall-messaġġ kummerċjali tiegħu fi kwalunkwe forma

3.1

Fir-rigward tar-reklamar li juża t-tfal, tajjeb li jiġu enfasizzati l-aspetti tad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tat-tfal, espressament miġbura f’għadd ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikoli 1 u 2c) u b’mod speċjali l-Artikoli 24 u 32.

3.2

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju sabiex tkun żgurata projbizzjoni universali ta’ reklamar li jagħmel użu mhux xieraq ta’ immaġni ta’ tfal f’oqsma mhux direttament marbuta magħhom.

4.   Reklamar immirat speċifikament lejn it-tfal

4.1

Sa ċertu età, it-tfal ma jiffiltrawx ir-reklamar, b’mod speċjali meta l-messaġġ ikun minfuħ u l-istess reklam jiġi ripetut ħafna drabi. It-tfal għandhom ħabta jaċċettaw il-messaġġi kollha bħala verità u b’hekk jistgħu jiġu mġiegħla jsiru konsumaturi kompulsivi. Dan l-effett jissaħħaħ aktar ma jkun żvantaġġat l-isfond soċjoekonomiku tat-tfal. Il-messaġġi u t-twissijiet inklużi fir-reklamar mhumiex mifhuma mit-tfal u ma jistgħux jitqiesu li għandhom xi rwol preventiv jew dissważiv.

4.2

Barra minn hekk, il-perċezzjoni tar-reklamar tvarja minn grupp ta’ età għall-ieħor. Sal-età ta’ ħames snin it-tfal mhumiex kapaċi jifhmu d-differenza bejn programmi skedati u reklamar; u anki wara dik l-età, xorta ma jkunux għadhom jistgħu jagħrfu r-rwol persważiv tar-reklami. Din il-kapaċità tiżviluppa biss madwar l-età ta’ tmien snin, u mhux fit-tfal kollha. Madankollu, dan xorta ma jfissirx li huma kapaċi jagħrfu li l-messaġġi mhumiex oġġettivi, li dawn qed jenfasizzaw l-aspetti pożittivi ta’ prodott speċifiku u jinjoraw l-aspetti aktar negattivi.

4.3

Meta tfal akbar fl-età jaraw reklam bħala divertiment, l-impatt ta’ dan huwa akbar, u l-fatt li jkunu aktar kapaċi jipproċessaw il-messaġġi tar-reklamar ma jfissirx neċessarjament li r-reklamar u l-intenzjonijiet tiegħu ma jolqtuhomx peress li jistgħu jintużaw tekniki oħra ta’ persważjoni, aktar sofistikati u effettivi bl-istess mod, sabiex jinfluwenzaw l-imġiba tagħhom.

4.4

L-iżvilupp tal-ħiliet konoxxitivi u ta’ interpretazzjoni tat-tfal permezz ta’ programmi edukattivi dwar il-mezzi tax-xandir jgħinhom jinteraġixxu b’mod aktar effettiv mar-reklamar. Madankollu, mhuwiex biżżejjed li t-tfal u l-ġenituri jiksbu litteriżmu medjatiku u fehim aħjar tar-reklamar biex jiffaċċjaw l-effetti dannużi tar-reklamar immirat lejn it-tfal. Huwa essenzjali li t-tfal jitħejjew għar-rwol futur tagħhom bħala konsumaturi billi jkun hemm attenzjoni ffokata fuq il-litteriżmu medjatiku u għoti ta’ setgħa kemm jista’ jkun minn età bikrija. Madankollu, dan ma jsolvix il-problema immedjata tan-natura minfuħa u ripettitiva tar-reklami, u lanqas ma jilħaq lit-tfal kollha, b’mod speċjali lil dawk li ġejjin minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat u dawk l-aktar affettwati mill-effetti dannużi tar-reklamar.

4.5

L-istudji juru li r-rwol ta’ medjatur tal-familja huwa importanti biex jittaffew l-effetti tar-reklamar. Madankollu, it-tfal, inklużi t-tfal żgħar ħafna, qed ikollhom dejjem aktar u aktar aċċess għal televixin u internet fil-kamra tagħhom u dan jagħmel l-attività waħda aktar solitarja u mhux sorveljata. Fattur ieħor li jżid l-esponiment tat-tfal għar-reklami u t-tekniki kummerċjali huwa l-preżenza li dejjem qed tikber tal-internet fir-rutina ta’ kuljum anki tal-aktar tfal żgħar. Kif intwera sew fl-abbozz ta’ rapport tal-PE li qed jitfassal bħalissa, “l-internet huwa sieħeb it-tfal, spiss aktar mill-familja, mill-iskola u mill-ħbieb” (4). L-istudji reċenti, bħal Kids online, juru li 38 % tat-tfal bejn 9 u 12-il sena diġà għandhom profil onlajn, u din iċ-ċifra titla’ għal 78 % għat-tfal ta’ bejn 13 u 16-il sena. Bosta ditti ta’ ġugarelli u logħbiet għandhom siti elettroniċi fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u jieħdu pjaċir onlajn, iżda fejn huma wkoll fil-mira ta’ strateġiji ta’ persważjoni u ta’ lealtà għad-ditta.

4.6

Fir-rigward b’mod partikolari tal-inċitament għal konsum eċċessiv li jwassal għal dejn eċċessiv, xi messaġġi kummerċjali mmirati lejn it-tfal jistgħu jistimulaw vizzji ta’ konsum ikkaratterizzati minn eċċess, joħolqu xewqat artifiċjali li ma jaqblux ma’ ħtiġijiet reali, u jiġġeneraw kunċett falz ta’ ‘kuntentizza’. L-istatistika turi li 54 % tal-adolexxenti jħossuhom taħt pressjoni biex jixtru ċerti prodotti purament għaliex għandhom sħabhom; fi kliem ieħor, il-konsum fl-aħħar mill-aħħar isir fattur għall-inklużjoni soċjali.

4.7

Hemm rabta kawżali bejn l-esponiment għal ċertu reklamar u l-iffittar tal-ġenituri biex dawn jixtrulhom l-affarijiet. Il-kunflitt tal-familja marbut mal-esponiment tar-reklamar u d-domandi biex jinxtraw l-affarijiet iseħħ f’kull familja iżda b’mod partikolari f’dawk bl-iktar status soċjoekonomiku baxx, fejn it-tfal iqattgħu ħinhom l-aktar quddiem it-televixin. Minħabba nuqqas ta’ finanzi jew kapaċità inqas biex kwistjonijiet jiġu diskussi, familji bi dħul baxx fl-aħħar mill-aħħar ikollhom iħallsu l-ogħla prezz għar-reklamar.

4.8

Il-konsumeriżmu stimolat mir-reklamar għandu wkoll l-effett li jiġbed għadd kbir ħafna ta’ tfal u żgħażagħ lejn ċerti ditti, li joħloq sitwazzjonijiet diffiċli għal dawk li m’għandhomx aċċess għall-istess prodotti. Sitwazzjoni bħal dawn hija dik magħrufa bħala ‘brand bullying’ fl-iskejjel, li taffettwa severament tfal li ma jużawx ċerti ditti, li tista’ toħloq problemi ta’ mġiba jew skuntentizza personali kbira, li kultant twassalhom għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni jew vjolenza u tbatija li jistgħu jwasslu għall-kriminalità fil-forma ta’ serq minuri jew serq.

4.9

Fir-rigward tar-reklamar li jħeġġeġ il-konsum ta’ ikel ħażin għas-saħħa jew prodotti oħra li huma ta’ ħsara jew periklu għas-saħħa fiżika u mentali, għandna nenfasizzaw l-influwenza li t-tfal għandhom fuq deċiżjonijiet dwar ix-xiri tal-ikel, speċjalment dwar il-preferenza għal ikliet lesti jew fast-food. Il-ġibda lejn vizzji ħżiena tal-ikel hija fattur kostanti fir-reklamar immirat lejn it-tfal. L-obeżità fost it-tfal diġà hija problema enormi. Skont il-Consumers International, wieħed minn kull għaxart itfal madwar id-dinja kollha jbati minn piż żejjed jew obeżità, 22 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin issa ġew klassifikati li għandhom piż żejjed, u l-kawża prinċipali hija l-konsum ta’ prodotti pproċessati ħafna li fihom ħafna zokkor u xaħmijiet.

4.10

Iċ-ċifri dwar l-esponiment tat-tfal għal reklamar relatat mal-ikel, speċjalment fil-programmi tat-tfal, huma għoljin ħafna, u ilhom jiżdiedu minn meta t-tfal bdew jużaw dejjem iktar it-televixin, l-internet u n-netwerks soċjali. Barra minn hekk, in-natura tar-reklamar inbidlet peress li issa dawn jinkludu tekniki aktar sofistikati ta’ kif jiġi kkummerċjalizzat il-prodott, li jagħmlu r-reklami aktar persważivi (5).

4.11

Ir-reklamar jista’ jkollu wkoll implikazzjonijiet għal disturbi fil-prattiki tal-ikel (eating disorders) bħalma huma l-anoressija u l-bulimja. It-tfal u l-adolexxenti huma esposti għal tipi u dehriet tal-ġisem taż-żgħażagħ li jidhru fir-reklami. L-impatt fuq iż-żgħażagħ, speċjalment it-tfajliet, ta’ tip ta’ ġisem irqiq jippromovi ideal ta’ sbuħija li jħeġġeġ imġiba fir-rigward tal-ikel li tista’ tipperikola l-ħajja.

4.12

Fil-fatt, l-American Psychological Association tqis li r-reklamar immirat lejn tfal taħt it-tmien snin għandu jkun limitat (jew projbit kollu kemm hu) minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tat-tfal ta’ dik l-età li jipproċessaw l-għan persważiv tar-reklami. L-għan ta’ din il-projbizzjoni jkun li jillimita l-effetti dannużi tar-reklamar fuq il-promozzjoni ta’ vizzji tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa, il-kunflitt bejn il-ġenituri u t-tfal dwar id-domanda biex jinxtraw prodotti reklamati, u l-esponiment għall-vjolenza (6).

4.13

Il-Kumitat iqis li dawn l-aspetti ta’ tħassib, li diġà ġew koperti minn leġislazzjoni f’uħud mill-Istati Membri (7) u pajjiżi mhux Ewropej, għandhom jiġu inkorporati fil-livell Ewropew u għandha tiġi stabbilita età minima għal reklamar speċifikament immirat lejn it-fal, kif suġġerit fir-rapport mill-MEP Kyriacos Triantaphylides (8) u kif affermat mill-ġdid fir-Riżoluzzjoni tal-PE tat-22 ta’ Mejju 2012 (9).

5.   Reklamar li jaffettwa t-tfal

5.1

F’termini ta’ reklamar li jista’ serjament jaffettwa l-iżvilupp mentali u morali tat-tfal, anki meta dan ma jkunx speċifikament immirat lejhom, l-aktar wieħed sinifikanti huwa r-reklamar li jħeġġeġ il-vjolenza jew ċerti tipi ta’ imġiba vjolenti, bħalma huma r-reklami għal ġugarelli jew logħbiet li jigglorifikaw l-imġiba vjolenti.

5.2

Studji ta’ min joqgħod fuqhom juru l-effetti ta’ dannu tal-esponiment għall-vjolenza f’ċerti reklami mxandra fuq il-mezzi tax-xandir awdjoviżivi, b’mod partikolari meta dan jippromovi imġiba aggressiva, riċettività akbar għall-vjolenza u ostilità akbar. Is-saħħa mentali nnifisha tista’ tiġi affettwata minn dan il-konsum ta’ kontenut vjolenti, li jwassal għal ansjetà, biża’, disturbi fl-irqad u iperattività.

5.3

Qed jintużaw dejjem iżjed persunaġġi famużi f’reklami għal prodotti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa, bħalma huma l-alkoħol u t-tabakk. L-assoċjazzjoni ta’ stil ta’ ħajja meqjusa attraenti ma’ dawn il-prodotti tistimula x-xewqa li dawn jintużaw u tinħoloq perċezzjoni pożittiva tagħhom.

5.4

L-iżvilupp psikoloġiku u morali normali tat-tfal huwa affettwat ukoll mir-reklamar bkontenut erotiku jew pornografiku li jħeġġeġ imġiba sesswali perversa, pervertita jew eċċessiva. Jeżisti ammont kbir ta’ reklamar ta’ natura sessista u sesswali li juża lin-nisa bħala oġġetti mixtieqa, ta’ spiss f’pożizzjoni inferjuri jew subordinata, jekk mhux waħda ta’ jasar. Barra minn hekk, il-kontenut eċċessivament sesswali jew erotiku, jekk mhux pornografiku, iwassal għas-sesswalizzazzjoni bikrija tat-tfal. Minkejja l-fatt li ċerti ditti magħrufa sew kienu mġiegħla jirtiraw reklamar li jikkontribwixxi għall-ipersesswalizzazzjoni tat-tfal, u minkejja r-rabja li s-soċjetà ċivili wriet dwar l-abbuż ta’ immaġni ta’ iġsma ta’ minorenni fir-reklami, mhemm l-ebda definizzjoni legali ċara ta’ dawn is-sitwazzjonijiet fil-livell Ewropew.

5.5

Minkejja li dan il-qasam huwa regolat f’għadd ta’ Stati Membri (għalkemm b’modi differenti ħafna li jipprevjeni l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, fejn id-differenzi ma jistgħux jiġu ġustifikati minn raġunijiet kulturali fundamentali), il-Kumitat iqis li huwa wkoll suġġett li jistħoqqlu jitqies fil-livell Komunitarju.

6.   Il-qafas legali Komunitarju u n-nuqqasijiet ovvji tiegħu

6.1

Minħabba l-qafas attwali, jeħtieġ li jingħad li d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali u l-proċeduri li jirrigwardaw it-tfal adottati minn professjonisti fil-qasam tar-reklamar (jiġifieri l-komunikazzjoni kummerċjali fl-iktar sens wiesa’ tal-kelma) huma kollox barra uniformi fl-Istati Membri differenti.

6.2

Min-naħa tiegħu, il-qafas legali Komunitarju huwa kumpless u joħloq konfużjoni għal xejn, u f’ħafna każijiet jiġi traspost u implimentat b’mod differenti fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi dan fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online” (10), fir-rapport tagħha “Nipproteġu lit-tfal fid-dinja diġitali” (11) u fi “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (12). Il-maġġoranza tal-Istati Membri llimitaw lilhom innifishom għal traspożizzjoni minimalista tad-direttivi rilevanti Komunitarji, filwaqt li oħrajn (13) japplikaw standards aktar stretti, li jipprojbixxu anki r-reklamar immirat għall-minorenni (14).

6.3

Bir-raġun, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni Komunitarja ma tikkunsidra li sabiex jiġu protetti l-minorenni u d-dinjità tal-bniedem għandhom jitwettqu kontrolli minn qabel, b’konformità mal-prinċipji fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, kif stabbilit fis-sod mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni.

6.4

L-iżball fundamentali, madankollu, jinsab fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1998 dwar “Il-kisba ta’ livell komparabbli u effettiv tal-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem”, fejn l-ewwel tħassib dikjarat huwa “il-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni”. Ir-rakkomandazzjoni tqis l-azzjoni fuq il-kontenut awdjoviżiv jew “online” li jista’ jkun ta’ dannu għall-minorenni jew għad-dinjità tal-bniedem bħala waħda li ma taqax fis-setgħat leġislattivi tal-Unjoni Ewropea (15), u fl-aħħar mill-aħħar tqis dawn l-aspetti bħala kwistjoni ta’ “gosti u deċenza” li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament Komunitarju (16).

6.5

F’termini ta’ x’inhu obbligatorju b’mod universali, l-Istati Membri huma mistennija biss jiżguraw li l-iskedi televiżivi (li għandu jkun mifhum li jinkludu komunikazzjonijiet kummerċjali) ma jinkludu l-ebda programm li jista’ jkun ta’ dannu serju għall-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tal-minorenni, speċjalment programmi partikolari li jinvolvu pornografija jew vjolenza gratwita, sakemm ma jkunx hemm minn qabel “twissija akustika” jew “simbolu viżwali” matul il-programm kollu, ħlief fejn ikun żgurat, bl-għażla tal-“ħin tax-xandira” jew bi “kwalunkwe miżura teknika” li minorenni “fiż-żona tat-trasmissjoni normalment m’humiex ser jisimgħu jew jaraw tali xandiriet”.

6.6

Il-leġislazzjoni attwali abbandunat ir-restrizzjonijiet fuq l-inklużjoni ta’ reklami, fejn din ma tkunx ta’ ħsara serja għall-integrità tal-programmi, għar-raġuni li issa hawn “żieda fil-possibilitajiet għat-telespettaturi li jevitaw ir-reklami”. Din il-leġislazzjoni ma tqisx il-karatteristiċi speċifiċi tat-tifel jew tifla, li huma kkunsidrati bħala spettaturi passivi.

6.7

L-uniċi projbizzjonijiet espliċiti fil-livell Komunitarju stabbiliti bħalissa japplikaw għall-prodotti tat-tabakk, prodotti mediċinali u trattament mediku disponibbli biss fuq preżentazzjoni tar-riċetta tat-tabib, u għal reklamar “bil-moħbi” jew “subliminali”. Madankollu, il-projbizzjoni ma testendix għal “tqegħid tal-prodott” (li madankollu “għandu, fil-prinċipju, ikun projbit”) f’każijiet “fejn it-telespettatur hu mgħarraf b’mod adegwat bl-eżistenza ta’ tqegħid ta’ prodott”. Barra minn hekk, hemm “kriterji stretti” għar-reklamar ta’ xorb alkoħoliku.

6.8

F’dan tal-aħħar biss hemm imsemmi li r-reklamar m’għandux jimmira speċifikament lill-minorenni. Fl-aspetti l-oħra kollha relatati mal-ħsara għall-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minorenni (“bħalma huma l-inċitament dirett tat-tfal, jew l-inċitament indirett tal-ġenituri biex jixtru oġġetti jew servizzi reklamati, billi jieħdu vantaġġ min-nuqqas ta’ esperjenza tagħhom jew mill-fatt li jemmnu kollox, jew ir-reklamar inkluż fil-programmi għat-tfal ta’ ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, partikolarment dawk bħax-xaħam, l-aċidi transgrassi, il-melħ/sodju u z-zokkor”), ir-regoli fis-seħħ joffru biss rakkomandazzjonijiet ġenerali jew jagħmlu referenza għal “kodiċi ta’ kondotta”.

6.9

Tajjeb li nsemmu li minkejja li d-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali tinkludi dispożizzjoni dwar prattiki żleali mmirata lejn “grupp ta’ konsumaturi identifikabbli faċilment li jkunu partikolarment vulnerabbli” speċifikament minħabba “l-età jew il-kredulità tagħhom”, din ma ġietx interpretata bħala waħda li tipprojbixxi l-prattiki ta’ hawn fuq u lanqas ma ġiet trasposta jew implimentata għal dan il-għan fl-Istati Membri (17).

6.10

Barra minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE, strumenti tradizzjonali oħra jistabbilixxu prinċipji ta’ qofol li min-naħa tagħhom isostnu l-aktar żviluppi reċenti fil-leġislazzjoni fundamentali tal-UE (it-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

6.11

Fl-istess ħin, kemm internazzjonalment kif ukoll fl-Istati Membri differenti, professjonisti fil-qasam – u b’mod partikolari l-EASA (18) – żviluppaw sett ta’ dispożizzjonijiet għall-awtoregolazzjoni tal-prattiki kummerċjali tagħhom li juru biċ-ċar l-impenn tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal. Dan ma jeliminax il-ħtieġa, imsemmija f’għadd ta’ korpi internazzjonali u Komunitarji, li jiggarantixxu livell għoli ta’ rispett għat-tfal u l-protezzjoni tagħhom sabiex ikun żgurat l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tagħhom, bi ħsieb għall-interessi tagħhom, il-benesseri tagħhom u l-preservazzjoni tal-ambjent u r-rabtiet tal-familja.

7.   Reklamar immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ u t-twettiq tas-suq intern

7.1

Is-suq tar-reklamar u tal-marketing fl-Ewropa huwa wieħed kompetittiv ħafna, soġġett għall-fluttwazzjonijiet tal-moda u partikolarment sensittiv għall-konsegwenzi tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji. Id-differenzi kbar fir-regolamenti nazzjonali dwar ir-reklamar jistgħu mhux biss jinfluwenzaw ir-riżultati, iżda jistgħu jostakolaw ukoll l-iżvilupp tiegħu fis-suq intern u jkunu sors ta’ diskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni inqas ġusta. B’mod partikolari fil-kategorija tat-tfal u ż-żgħażagħ, li hu settur li qed jespandi bil-kbir, id-differenzi kbar fir-regolamenti nazzjonali u l-esiġenzi differenti jpoġġu lill-kumpaniji tar-reklamar f’pożizzjoni inugwali, iġegħluhom jonfqu aktar flus biex jadattaw il-kampanji tagħhom għar-rekwiżiti u l-esiġenzi legali differenti, u jiffavorixxu prattiki kompetittivi inqas ġusti sabiex jiġu evitati dawn id-diffikultajiet u jintrebħu s-swieq. Armonizzazzjoni leġislattiva li timponi kundizzjonijiet simili fl-Ewropa kollha u li twettaq is-suq intern f’dan il-qasam tista’ tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għal suq aktar trasparenti fejn il-kumpaniji tar-reklamar kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw in-negozju tagħhom abbażi tal-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom bil-għan li jissodisfaw b’mod effettiv lill-konsumaturi, minflok japprofittaw mid-differenzi fil-leġislazzjoni nazzjonali għad-detriment tal-kompetizzjoni sana u ġusta

8.   Bażi legali għal azzjoni konċertata fil-livell Komunitarju fil-qasam tar-reklamar immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ

8.1

Sal-lum, id-direttivi Komunitarji li rregolaw ir-reklamar fil-livell tal-UE ħadu kollha bħala l-bażi legali tagħhom id-dispożizzjonijiet tat-trattat li jikkonċernaw it-twettiq tas-suq intern, illum l-Artikoli 26 u 114, għalkemm ġew emendati sew. Dan huwa ċertament ta’ tħassib kbir, iżda m’għandux ikun l-unika preokkupazzjoni. Inizjattivi Komunitarji oħra, li l-għanijiet tagħhom jimmiraw b’mod aktar speċifiku x-xandir tat-televixin, minflok ħadu bħala l-bażi legali tagħhom it-test li fl-istess ħin japplika għad-dritt tal-istabbiliment u għas-servizzi, li issa jikkorrispondi, għalkemm b’tibdiliet sostanzjali, għall-Artikoli 49 et seq. u 56 et seq. attwali. Fl-aħħar nett, f’inizjattivi aktar reċenti dwar il-protezzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, iżda xorta qabel it-Trattat ta’ Lisbona attwali, il-bażi legali użata ttieħdet mid-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali.

8.2

Ta’ min infakkru li t-Trattat ta’ Lisbona attwali inkluda fih bidliet sostanzjali f’dawn l-aspetti kollha u joffri firxa ta’ possibbiltajiet ġodda għal azzjoni Komunitarja, li għandna nkunu nistgħu ninterpretaw u nimplimentaw. L-aktar innovazzjoni importanti kienet l-inklużjoni tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali fil-leġislazzjoni primarja tal-UE, segwita mill-bidla fin-natura legali tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali u ċivili, u fl-aħħar nett, il-bidliet li saru għal għadd ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat, bħalma huma dawk li jirrigwardaw it-twettiq tas-suq intern, il-protezzjoni tal-konsumaturi u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. Dan l-aħħar il-Kummissjoni bbażat ir-regolament propost tagħha dwar il-protezzjoni tad-data fuq il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tat-Trattat ta’ Lisbona.

8.3

Il-kwistjoni tar-reklamar immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ hija, l-ewwel u qabel kollox, kwistjoni ta’ ċittadinanza u l-protezzjoni tad-drittijet fundamentali; l-Artikoli 1, 3, 24, 33 u 38 tal-Karta, hekk kif imsemmi hawn fuq, jipprovdu bażi legali sustantiva li tiġġustifika sew il-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja. Ma’ dawn għandna żgur inżidu l-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-TUE u l-Artikoli 4, 9 u 10 tat-TFUE.

8.4

F’dan il-qasam, flimkien mal-gvernijiet tal-Istati Membri, kemm jekk fil-Kunsill jew fil-qasam ta’ kooperazzjoni msaħħa (Artikolu 20 tat-TUE), il-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll rwol importanti skont l-Artikolu 12 tat-TUE u huma mistennija jerfgħu din ir-responsabbiltà.

8.5

It-twettiq tas-suq intern huwa wkoll wieħed mill-aktar għanijiet importanti f’dan il-qasam, u għaldaqstant hemm il-kopertura tal-Artikolu 3(3) tat-TUE u l-Artikoli 26 u 114 et seq. tat-TFUE. Barra minn hekk, l-Artikoli 12 u 169 tat-TFUE joffru possibbiltajiet ġodda għall-protezzjoni tal-konsumatur. Fir-rigward tal-aspetti proċedurali, l-Artikoli 67 et seq., b’mod speċjali l-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE, jipprovdu l-bażijiet għal qafas ċivili u kriminali li jgħin biex jikkomplementa l-qafas legali għall-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ f’dan il-qasam.

8.6

Fl-aħħar nett, l-approċċ fil-livell Komunitarju għal din il-kwistjoni jikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (Artikolu 5(3) u (4) tat-TUE), peress li l-għan tiegħu għad-dimensjoni transkonfinali ma jistax jinkiseb sa livell suffiċjenti mill-Istati Membri permezz tas-sistemi nazzjonali tagħhom biss. L-objettiv tal-inizjattivi jista’, għaldaqstant, jinkiseb aħjar minn azzjoni fil-livell tal-UE, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva għandu jkun limitat għal aspetti li jqajmu problemi prattiċi speċifiċi. L-inizjattiva m’għandhiex tindirizza aspetti li jistgħu jiġi regolati b’mod aktar adegwat minn leġislazzjoni nazzjonali, biex b’hekk jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Din il-proposta wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2008/1351/KE, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 118.

(2)  Lil hinn mill-bibljografija estensiva li diġà teżisti dwar din il-kwistjoni, li mhux il-każ nelenkaw hawnhekk, għandha ssir referenza speċjali minħabba l-importanza tiegħu, għall-istudju li sar mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew dwar “Ir-regoli tar-reklamar u l-effetti tagħhom taħt id-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi” (April 2009).

(3)  Ara l-opinjonijiet ĠU C 287, 22.09.1997, p. 11, ĠU C 407, 28.12.1998, p. 193; ĠU C 48, 21.02.2002, p. 27, ĠU C 61, 14.03.2003, p. 32, ĠU C 208, 03.09.2003, p. 52, ĠU C 157, 28.06.2005, p. 136; ĠU C 221, 08.09.2005, p. 87; ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65, (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 224, 30.08.2008, p. 61, ĠU C 77, 31.03.2009, p. 8, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 43, ĠU C 128, 18.05.2010, p. 69; ĠU C 48, 15.02.2011, p. 138; ĠU C 24, 28.01.2012, p. 154; ĠU C 43, 15.02.2012, p. 34; ĠU C 229 de 31.7.2012, p. 90, l-opinjonijiet dwar “L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali” (Ara paġna 31 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali) u dwar “Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (Ara paġna 68 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(4)  Abbozz ta’ rapport dwar il-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali, 2.4.2012, mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-PE, Relatur: Silvia Costa (PE486.198v01-00): http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=COMPARL&mode=XML&language=EN&reference=PE486.198

(5)  Fl-Awstralja, Kelly et al. (2007) jenfasizzaw li bħala medja fil-ġimgħa, tfal ta’ bejn 5 u 12-il sena jaraw 96 reklam ta’ prodotti tal-ikel, li 63 minnhom fihom kontenut għoli ta’ xaħam jew zokkor (Kelly, B. P., Smith, B. J., King, L., Flood, V. M. & Bauman, A. (2007) Television food advertising to children: the extent and nature of exposure, Public Health Nutrition, Vol. 10, No. 11, p. 1234-1240. Copyright Cambridge University Press.) Fl-Istati Uniti, studju minn Powell et al. (2007) jissuġġerixxi li 27,2 % tal-kontenut televiżiv mhux programmat jikkonċerna l-ikel, li jirrappreżenta medja ta’ 23 reklam kuljum (Powell LM, Szczypka G, Chaloupka FJ (2007) Exposure to Food Advertising on Television Among US Children, Archives of Pediatric and Adolescent Medicine 161, p. 553-560).

(6)  http://www.apa.org/pi/families/resources/advertising-children.pdf

(7)  Attwalment, ħames Stati Membri jipprojbixxu kwalunkwe reklamar fil-programmi tat-tfal, erbgħa adottaw projbizzjoni parzjali jew tip ieħor ta’ restrizzjoni fuq il-programmi tat-tfal, f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata jew għal ċerti tipi ta’ prodott, u sebgħa jipprojbixxu kwalunkwe logo ta’ sponsor fil-programmi tat-tfal. Ara http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm

(8)  A7-0369/2011, 21.10.2011.

(9)  A7-0155/2012, speċjalment il-punti 24, 28 u 29 (Relatur: Maria Irigoyen Pérez).

(10)  COM(2011) 942 final, 11.1.2012.

(11)  COM(2011) 556 final, 13.9.2011.

(12)  COM(2012) 196 final, 2.5.2012.

(13)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Fil-każ tal-Isvezja, dan wassal għas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li tikkonferma l-kompatibbiltà tagħha mal-liġi tal-UE (Kawżi C-34 u C-35/95 Konsumentombudsmannen/De Agostini (Svenska) bForlag AB u TV-Shop i Sverige AB).

(15)  Fl-opinjoni tiegħu fil-ĠU C 221, 8.9.2005, p. 87 (mhux disponibbli bil-Malti), il-KESE ħa pożizzjoni ċara kontra dan l-approċċ.

(16)  Ara d-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta’ Mejju 2005, punt 7 tal-Preambolu (ĠU L 149, 11.6.2005).

(17)  Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta’ Mejju 2005, (ĠU L 149, 11.6.2005). Madankollu, fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha, li ntlaqgħet tajjeb, il-Kummissjoni tidher li qed tikkunsidra l-possibbiltà li tindirizza “l-użu ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali dubjużi jew ipprojbiti”, li, qed ikun mistenni, ser jinkludu dawk ikkundannati f’dan id-dokument (COM(2011) 942 final, 11.1.2012).

(18)  F’dan ir-rigward, tajjeb li nenfasizzaw l-interess espress mid-DĠ INFSO tal-Kummissjoni fit-tfassil ta’ Kodiċi Ewropew ta’ Prassi Tajba (19.3.2012).


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli fil-post tax-xogħol — b’mod partikolari, kwistjonijiet marbutin mad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/03

Relatur: is-Sur JANSON

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli fil-post tax-xogħol – b’mod partikolari, kwistjonijiet marbutin mad-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur, 4 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-individwi minħabba l-appartenenza tagħhom fi grupp partikolari hija theddida kemm għad-demokrazija bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Fil-fehma tal-KESE, l-UE għandha r-responsabbiltà li tadotta approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-għanijiet tal-ħidma f’dan il-qasam (1).

1.2   Ġlieda effettiva kontra d-diskriminazzjoni titlob miżuri proattivi bbażati fuq il-parteċipazzjoni tal-imsieħba differenti, kif ukoll li r-rappreżentanti tal-gruppi żvantaġġati jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali.

1.3   F’din l-Opinjoni, il-KESE josserva li jeħtieġ li jsir iżjed biex jitnaqqas ir-riskju ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Dan jinvolvi iżjed fondi għar-riċerka fil-qasam tad-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol, kif ukoll pjan direzzjonali biex jintlaħaq l-għan tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

1.4   Huwa evidenti li l-kriżi ekonomika u soċjali għandha konsegwenzi kbar għall-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. It-tnaqqis li qed isir bħalissa fis-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE qed iżid il-qgħad, u hemm ir-riskju wkoll ta’ żieda fil-ksenofobija, l-omofobija u stqarrijiet u azzjonijiet diskriminatorji u offensivi oħra. Il-KESE huwa tal-fehma li huwa importanti li l-UE u l-Istati Membri jivvalutaw b’mod aktar effettiv u miftuħ ir-riskji fil-konfront tal-gruppi vulnerabbli li qed jikkawża t-tnaqqis attwali, u li jieħdu miżuri biex dawn ir-riskji jonqsu.

1.5   Il-KESE josserva li hemm differenzi sostanzjali fi ħdan l-UE rigward it-trattament tal-persuni LGBT (2), u huwa preokkupat b’mod serju dwar id-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw. Din id-diskriminazzjoni tikkostitwixxi theddida għall-valuri fundamentali tal-UE u għal-libertà tal-moviment.

1.6   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBT, u jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva LGBT fl-oqsma ta’ politika kollha.

1.7   Il-KESE jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili u l-gvernijiet jaħdmu flimkien biex jiġġieldu kontra l-istereotipi u jagħmlu liċ-ċittadini iżjed konxji dwar id-drittijiet tal-persuni LGBT. Id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għandha tiġi inkluża b’mod attiv fid-diskussjonijiet u n-negozjati bejn l-imsieħba soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-possibbiltajiet ta’ netwerking li jistgħu jippromovu opportunitajiet indaqs u politika ta’ ftuħ fil-post tax-xogħol.

1.8   Il-KESE jenfasizza l-importanza li wieħed ikun jaf x’jgħidu l-liġijiet u r-regoli tal-UE dwar id-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, kemm għal kull individwu kif ukoll għal min iħaddem u t-trejdjunjins. Kważi 45 % taċ-ċittadini tal-UE mhumiex konxji li jeżistu liġijiet li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ kampanji mmirati ta’ informazzjoni bil-għan li tiġi indirizzata din il-problema.

1.9   Il-KESE jirrikonoxxi l-problemi speċifiċi li jiffaċċjaw bosta persuni transġeneru u jifhem il-bżonn li din il-kwistjoni tiġi indirizzata f’dokument separat.

2.   Bażi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

2.1   L-Unjoni Ewropea tissejjes fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt. L-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti s-setgħa lill-UE tieħu “l-azzjoni xierqa sabiex [t]iġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali.” Il-ġlieda u l-oppożizzjoni kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni huma ta’ importanza liema bħalha għal-leġittimità tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali.

2.2   Ġew adottati għadd ta’ direttivi bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tat-trattat, bħad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), id-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità. Il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni sesswali u razzjali hija ħafna iżjed wiesgħa mill-protezzjoni mid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, l-età, id-diżabbiltà jew l-orjentazzjoni sesswali; dan jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-persuni b’rabta max-xogħol, l-istudju jew l-ivvjaġġar f’pajjiż ieħor tal-UE.

2.3   L-ewwel u qabel kollox, it-trattament ugwali huwa dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll dwar li jsir l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi kollha tal-UE. Id-diskriminazzjoni tfisser ħela tar-riżorsi, u twassal għall-esklużjoni soċjali tal-gruppi milqutin. Il-kriżi ekonomika u soċjali profonda li qed tolqot lill-UE bħalissa, li qed iġġiegħel lil ħafna pajjiżi jnaqqsu s-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u l-pagi, qed taggrava s-sitwazzjoni għall-iżjed gruppi vulnerabbli. Għalhekk, id-direttivi differenti tal-UE kontra d-diskriminazzjoni huma essenzjali biex jipproteġu lill-gruppi li huma fil-periklu tad-diskriminazzjoni u biex jippromovu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom responsabbiltà kbira biex jiżguraw li l-intenzjonijiet tad-direttivi kontra d-diskriminazzjoni jiġu attwati.

2.4   Il-KESE ta l-fehmiet tiegħu dwar it-tipi differenti ta’ diskriminazzjoni f’sensiela ta’ opinjonijiet tiegħu. Huwa laqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (2000/43/KE) (3). Appoġġja wkoll l-idea li tiġi proposta direttiva separata li tkun marbuta biss mal-ħajja tax-xogħol, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Kien tal-fehma wkoll li kien importanti wkoll li l-abitanti kollha tal-Istati Membri jibbenefikaw minn livell minimu ta’ protezzjoni u d-dritt għal rimedju legali kontra d-diskriminazzjoni. Il-Kumitat talab li jsir iżjed fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ argumenti ekonomiċi favur in-nondiskriminazzjoni. Huwa wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li d-Direttiva ma semmiet xejn dwar istruzzjonijiet diskriminatorji jew pressjoni biex ikun hemm diskriminazzjoni abbażi ta’ raġunijiet speċifiċi.

2.5   Id-direttiva qafas tkopri kemm id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta. Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta l-persuni, fil-prattika, jiġu żvantaġġati minn dispożizzjoni li tidher li tkun nondiskriminatorja jew minn kriterju jew prattika li tkun tidher newtrali (4).

2.6   Il-KESE ppubblika wkoll opinjoni dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali” (5), li għadha ma ġietx adottata. Il-Kumitat laqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Direttiva fid-dawl tal-fatt li twassal għal standards konsistenti fl-UE rigward il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tar-raġunijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (issa l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Iżda, il-KESE ddispjaċih li d-direttiva ma indirizzatx b’mod adegwat il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni multipla u talab lill-Kummissjoni tressaq rakkomandazzjoni dwar din il-kwistjoni. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni biex isaħħaħ id-drittijiet tal-persuni vulnerabbli.

2.7   Fl-opinjonijiet differenti tiegħu dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni (pereżempju dwar l-età, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u r-Roma), il-KESE, fost affarijiet oħra, indirizza dawn il-punti (6):

l-importanza li l-ħidma fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tiġi integrata fl-oqsma kollha ta’ attività u inkorporata kemm fil-baġit tal-UE kif ukoll fil-baġits nazzjonali;

il-bżonn ta’ indikaturi biex tinkiseb informazzjoni dwar is-sitwazzjoni;

il-ħtieġa li l-implimentazzjoni tan-nondiskriminazzjoni tkun marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020;

il-bżonn li jiġu identifikati mekkaniżmi adatti u effettivi ta’ monitoraġġ u kontroll fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

il-bżonn ta’ iżjed impjiegi u ta’ kwalità ogħla sabiex tiġi mħarsa u mtejba l-indipendenza ekonomika tal-gruppi vulnerabbli;

il-bżonn ta’ sforzi biex ir-responsabbiltajiet tal-familji u tal-unitajiet domestiċi jinqasmu b’mod ġust bejn in-nisa u l-irġiel, u l-bżonn li d-dritt għas-sigurtà soċjali jkun individwalizzat;

l-istabbiliment ta’ strutturi istituzzjonali, pereżempju jitwaqqaf Kumitat Ewropew għad-Diżabbiltà;

il-periklu li l-kriżi ekonomika u soċjali żżid l-intolleranza, il-ksenofobija, ir-razziżmu u l-omofobija fl-Ewropa;

l-idea li l-integrazzjoni hija proċess soċjali kumpless u għat-tul, b’ħafna dimensjonijiet u ħafna partijiet interessati, b’mod partikolari fil-livell lokali.

2.8   La l-KESE u lanqas il-Kummissjoni ma indirizzat id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali b’mod speċifiku u fid-dettall, u ma hemm l-ebda pjan direzzjonali għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBT. Din l-Opinjoni ser tiffoka fuq id-diskriminazzjon bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali għax il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ ħidma biex tiġi żviluppata politika f’dan il-qasam. Fl-istess ħin, huwa importanti nosservaw li hemm għadd ta’ gruppi vulnerabbli oħra li mhumiex koperti mit-tipi elenkati ta’ diskriminazzjoni iżda jsibuha diffiċli jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol jew li jibqgħu fih. Għalhekk, jeħtieġ li kull żvilupp ta’ politika jiżgura aċċess ġenerali.

3.   Il-qagħda tal-persuni LGBT fis-suq tax-xogħol

3.1   Problemi rigward l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni  (7)

3.1.1

F’żewġ dokumenti ppubblikati fl-2009 (8), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) analizzat il-qagħda tal-persuni LGBT. Hawn taħt jidhru xi konklużjonijiet minn dawn ir-rapporti tal-Aġenzija. Waħda mill-konklużjonijiet inizjali hija li teżisti ġerarkija fil-bażijiet tad-diskriminazzjoni li skontha l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, ir-razza jew l-etniċità hija iżjed b’saħħitha mill-protezzjoni minn tipi oħra ta’ diskriminazzjoni. Madankollu, it-tendenza fost l-Istati Membri hija li t-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni jingħataw l-istess livell ta’ protezzjoni.

3.1.2

Skont il-FRA, 18-il Stat Membru tal-UE marru lil hinn mir-rekwiżiti minimi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol rigward id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri introduċew leġislazzjoni li tipprovdi protezzjoni mid-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali barra l-ħajja professjonali. Madwar 20 Stat Membru għandhom awtorità inkarigata biex tindirizza d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

3.1.3

Ir-rapporti tal-FRA jsemmu wkoll il-libertà tal-moviment għall-persuni LGBT, li huwa aspett importanti tas-suq uniku tax-xogħol fl-UE. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-liġi tal-familja hija kompetenza leġislattiva nazzjonali, li jfisser li Stati Membri differenti għandhom regoli differenti dwar koppji tal-istess sess. Barra minn hekk, il-pajjiżi jħaddnu wkoll tradizzjonijiet differenti dwar, pereżempju, l-attitudnijiet lejn iż-żwiġijiet u s-sħubijiet bejn koppji tal-istess sess. Imma dan ifisser, fost affarijiet oħra, li jistgħu jqumu l-problemi meta l-persuni jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom rigward il-moviment liberu tal-persuni.

3.1.4

Il-FRA tosserva li l-koppji tal-istess sess jiffaċċjaw ostakli konsideravoli biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom rigward il-libertà tal-moviment, kemm jekk huma miżżewġin, fi sħubija reġistrata jew f’relazzjoni stabbli għat-tul. L-Aġenzija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f’bosta ċirkustanzi, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta u li għandhom jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri fit-tifsira tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (9).

3.2   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

3.2.1

Tressqu żewġ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali: Römer u Maruko. Fil-kawża Römer, il-qorti argumentat li d-Direttiva dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol tipprekludi li benefiċjarju marbut fil-kuntest ta’ unjoni tul il-ħajja jirċievi pensjoni tal-irtirar komplementari f’ammont inferjuri għal dak mogħti lil benefiċjarju miżżewweġ, u li kien hemm diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali għaliex, skont il-liġi nazzjonali, il-persuni kkonċernati kienu f’sitwazzjoni legali u fattwali li kienet komparabbli ma’ dik ta’ persuna miżżewġa f’dak li jirrigwarda l-pensjonijiet.

3.2.2

Fil-kawża Maruko, il-qorti wkoll argumentat li d-direttiva tipprekludi leġislazzjoni li permezz tagħha, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, is-sieħeb superstiti ma jirċevix benefiċċju tas-superstiti bħal dak mogħti lil konjuġi superstiti. Iżda l-qorti argumentat ukoll li kienet ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk sieħeb tul il-ħajja superstiti huwiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi superstiti. Hija osservat ukoll li hemm differenzi kbar fi ħdan l-UE u li hemm nuqqas ġenerali ta’ ekwivalenza bejn iż-żwieġ u tipi oħra ta’ relazzjonijiet rikonoxxuti legalment.

3.3   Problemi rigward diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol

3.3.1

Id-diffikultà li persuna titkellem mingħajr ħabi dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha fil-post tax-xogħol: l-istudji juru li l-persuni LGBT huma sikwit “inviżibbli” fis-suq tax-xogħol, l-iżjed minħabba l-biża’ li jiġu vittimizzati. Dan iwassal biex, f’ħafna każijiet, jevitaw li jitħalltu mal-kollegi tagħhom biex ma jikxfux l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. L-ewwel u qabel kollox, minn dawn l-istudji ħareġ li l-persuni kienu jibżgħu jinfurmaw lill-kapijiet tagħhom fil-post tax-xogħol dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. F’ċerti setturi, pereżempju dak militari u l-knisja, li wieħed jitkellem mingħajr ħabi huwa ferm inqas mill-medja.

3.3.2

Problemi speċifiċi li jagħmlu x-xogħol iżjed diffiċli: il-persuni LGBT fis-suq tax-xogħol huma f’pożizzjoni differenti minn gruppi vulnerabbli oħra peress li, li jitkellmu mingħajr ħabi dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom għandu konsegwenzi għall-ħajja professjonali tagħhom. Huwa komuni li l-persuni LGBT jiżviluppaw strateġiji biex jevitaw li jesponu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, pereżempju billi jibdlu s-suġġett jew jagħżlu li jitilqu minn konversazzjoni fil-post tax-xogħol. L-istudji juru li dawn l-isforzi kontinwi biex jorjentaw ruħhom fil-post tax-xogħol għandhom impatt fuq is-saħħa u l-produttività. Id-diskriminazzjoni li huma suġġetti għaliha fl-UE persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru twassal għal esklużjoni emozzjonali msejsa fuq sens ta’ mistħija. Dan għandu konsegwenzi kemm għall-individwu kif ukoll għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet differenti tal-UE jaħdmu b’mod attiv biex jiġġieldu kontra l-esklużjoni li tirriżulta minn dan.

3.3.3

Problemi rigward l-aċċess għad-drittijiet tas-suq tax-xogħol: meta persuna tkun il-mira tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, huwa importanti li jkollha aċċess għal mekkaniżmi ta’ tressiq ta’ lment u għal awtorità nazzjonali li tittratta l-ilmenti dwar din ix-xorta ta’ diskriminazzjoni. F’ħafna Stati Membri, din ix-xorta ta’ awtorità lanqas biss teżisti.

3.3.4

In-nuqqas ta’ rieda li jitressqu lmenti: l-għadd ta’ każijiet dokumentati ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali huwa baxx ferm. Dan huwa probabbilment minħabba li l-persuni LGBT mhumiex lesti li joħorġu pubblikament, u possibbilment minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tagħhom. Hemm ukoll il-periklu li jitilfu l-impjieg tagħhom jekk iressqu lment. F’ċerti każijiet, huwa importanti li dawk li jilmentaw jiġu protetti mis-soċjetà biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi negattivi tal-ilment tagħhom.

3.3.5

Nuqqas ta’ għarfien: sondaġġ tal-Ewrobarometru wera li kien hemm nuqqasijiet f’dak li jirrigwarda għarfien dwar il-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Kważi nofs (45 %) iċ-ċittadini tal-UE mhumiex konxji li jeżistu liġijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali meta jiġu impjegati persuni ġodda. Studju tal-ETUC wera wkoll li kien hemm nuqqas ta’ għarfien fost it-trejdjunjins dwar il-politiki u l-attivitajiet maħsuba għall-persuni LGBT. Dan in-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet fil-post tax-xogħol huwa rifless f’nuqqas ġenerali ta’ informazzjoni u data dwar is-sitwazzjoni u l-esperjenza ta’ persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti. L-istudji wrew li l-livelli tal-għarfien dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-post tax-xogħol huma baxxi ferm. Dan in-nuqqas ġenerali ta’ għarfien jagħmilha diffiċli ħafna għall-persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti li jiddiskutu l-identità tal-ġeneru jew id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali ma’ min iħaddem jew it-trejdjunjins. Għalhekk, hemm għadd ta’ raġunijiet għala għandhom isiru kamapnji ta’ informazzjoni, l-iżjed fejn il-livell ta’ għarfien huwa baxx, biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

3.3.6

Protezzjoni legali u miżuri oħra biex titnaqqas id-diskriminazzjoni. F’ċerti pajjiżi, l-introduzzjoni tal-protezzjoni legali u appoġġ aħjar għad-drittijiet ugwali fil-livell nazzjonali għenu biex jiżdied l-għarfien fost iċ-ċittadini b’mod iżjed ġenerali, u dan kellu effett pożittiv ukoll fuq it-trejdjunjins u min iħaddem. L-istudju tal-FRA ftit li xejn isemmi r-responsabbiltà ta’ min iħaddem, li jenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà tal-maniġment. Il-ħidma fil-qasam tad-diversità (diversity management) u kultura li tħaddan in-nuqqas ta’ ħabi għandhom impatt pożittiv fil-post tax-xogħol f’dak li jikkonċerna l-persuni LGBT. Il-ħidma fil-qasam tad-diversità mhux neċessarjament timpedixxi d-diskriminazzjoni, iżda hija pass inizjali importanti fi ħdan organizzazzjoni.

3.3.7

Firxa tad-diskriminazzjoni: saru għadd ta’ studji bil-għan li toħroġ stampa tal-firxa tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBT fil-post tax-xogħol. L-istudji kkonkludew li sa nofs dan il-grupp jostru l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fil-post tax-xogħol, u li bejn terz u nofs dawk li jitkellmu mingħajr ħabi jiffaċċjaw diskriminazzjoni diretta jew kummenti offensivi u preġudizzju fil-post tax-xogħol.

3.3.8

Fi ħdan l-UE, tnedew għadd ta’ proġetti bis-sehem ta’ min iħaddem, it-trejdjunjins u s-settur tal-volontarjat. Il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju għal dawn il-proġetti, li ta spinta lil-leġittimità tagħhom. Fi Franza, it-trejdjunjins u min iħaddem f’settur partikolari kkonkuldew ftehim dwar id-drittijiet indaqs tal-familji b’ġenituri tal-istess sess, imsejjaħ “Accord sur l'égalité des droits des familles homoparentales”. Il-konfederazzjoni Svediża tat-trejdjunjins “Vision” tipprovdi taħriġ dwar kwistjonijiet LGBT bil-għan li żżid l-għarfien dwar id-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol. L-esperjenza wriet li huwa perfettament possibbli li flimkien naħdmu biex nibdlu s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti. Il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li azzjonijiet ta’ dan it-tip huma rari u għalhekk jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex ixxerred l-aħjar prattiki u lill-imsieħba soċjali biex ikunu iktar attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBT fuq il-post tax-xogħol.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita”.

(2)  Persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru (LGBT – lesbian, gay, bisexual and transgender).

(3)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

(5)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19-23.

(6)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 69-75; ĠU C 354, 28.12.2010, p. 1-7; ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19–27; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 81-86; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19-23; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102-108; ĠU C 10, 15.1.2008, p. 72-79; ĠU C 110, 30.4.2004, p. 26-29 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128-136 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 77, 31.3.2009, p. 115-122; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 50-55; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 95-102; ĠU C 256, 27.10.2007, p. 93-101.

(7)  Din it-taqsima hija bbażata fuq rapporti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC),

(8)  Homophobia and Discrimination on Grounds of Sexual Orientation in the EU Member States: Part I – Legal Analysis (L-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fl-Istati Membri tal-UE: Parti I – Analiżi Legali) u Homophobia and Discrimination on Grounds of Sexual Orientation and Gender Identity in the EU Member States: Part II –The Social Situation (L-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-Istati Membri tal-UE; Parti II – is-sitwazzjoni soċjali) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/04

Relatur: is-Sinjura KING

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’dawn l-aħħar għaxar snin il-kontribut tal-attivitajiet intraprenditorjali tal-migranti fl-Ewropa baqa’ dejjem jiżdied. Dawn jikkontribwixxu għal tkabbir ekonomiku u impjieg, ta’ spiss billi jerġgħu jagħtu l-ħajja lil snajja’ u l-artiġjanat minsija u jipparteċipaw dejjem iktar fil-forniment ta’ prodotti u servizzi b’valur miżjud. Barra minn hekk joħolqu pont importanti mas-swieq globali u huma importanti għall-integrazzjoni tal-migranti fid-dinja tax-xogħol, joħolqu impjiegi għalihom innifishom iżda wkoll dejjem iktar għall-immigrati u l-popolazzjoni nattiva (1).

1.2   L-UE rrikonoxxiet b’mod pubbliku l-kontribut ewlieni li l-intraprendituri migranti jistgħu jagħtu għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg. Madankollu, huwa importanti li dan ir-rikonoxximent m’għandux jitqies f’iżolament jew separatament mill-prijoritajiet immedjati ta’ dawk li jfasslu l-politiki tal-UE. Infatti, settur intraprenditorjali tal-migranti li huwa vibranti, sostenibbli u orjentat lejn it-tkabbir għandu jkun parti mill-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi, is-Small Business Act, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programm COSME l-ġdid minħabba li dawn diġà qiegħdu l-importanza ta’ rata għolja ta’ tkabbir u l-valur miżjud tal-SMEs fil-qalba ta’ ekonomijia tal-UE orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli.

1.3   L-intraprendituri migranti jtejbu wkoll l-opportunitajiet soċjali għall-migranti, joħolqu iktar tmexxija soċjali, huma mudelli ta’ eżempju fis-soċjetà, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, iżidu l-kunfidenza fil-persuna u jippromovu l-koeżjoni soċjali billi jagħtu ħajja ġdida lit-toroq u l-inħawi urbani.

1.4   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2) li tirrikonoxxi “l-irwol importanti tal-migranti bħala imprendituri” u tiddikjara li “għandhom jissaħħu l-kreattività u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu innovazzjonijiet”. Il-KESE jilqa’ wkoll id-dikjarazzjoni li “l-promozzjoni tal-imprenditorija transnazzjonali permezz ta’ strateġija aktar dinamika se tiffavorixxi lill-imprendituri li joperaw kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f’pajjiżi sħab. Tali impriżi jistgħu joħolqu x-xogħol fil-pajjiżi tal-oriġini u jġibu magħhom benefiċċji kemm f’termini tal-integrazzjoni tal-migranti kif ukoll ta’ aktar kummerċ bejn il-pajjiżi”.

1.5   Billi ż-żieda fil-qgħad qed twassal sabiex il-ħolqien ta’ xogħlijiet ta’ kwalità tkun prijorità għall-UE, issa huwa aktar importanti minn qatt qabel li dawk li jfasslu l-politiki tal-UE jirrikonoxxu li n-negozji li huma sidien tagħhom migranti jirrapreżentaw valur importanti għall-ekonomija tal-UE, kemm lokalment kif ukoll dejjem iktar fis-swieq internazzjonali fejn għad hemm domanda għal prodotti u servizzi li ġejjin mill-UE. Dan jaqbel mal-istrateġija tal-Kummissjoni mmirata lejn l-għoti ta’ għajnuna lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jespandu n-negozju tagħhom barra mill-UE, peress li attivitajiet internazzjonali jsaħħu t-tkabbir, iżidu l-kompetittività u jappoġġjaw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ kumpaniji fl-UE.

1.6   Il-Kumitat jissuġġerixxi li jekk “il-kapaċità kreattiva u innovattiva” tal-intraprendituri migranti se tissaħħaħ għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi fil-livell tal-UE, tal-Istat Membru u dak lokali. Dan sabiex tiġi eradikata d-diskriminazzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir inklużiv u impjiegi ta’ kwalità.

1.6.1

Fil-livell tal-UE dawk li jfasslu l-politiki għandhom:

jirrikonoxxu l-potenzjal tal-intraprenditorija tal-migranti għal iktar tkabbir ekonomiku fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020;

jirrikonoxxu l-potenzjal tal-intraprenditorija tal-migranti bħala forza li toħloq l-impjiegi billi tiġi inkluża fl-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi. Attwalment din l-istrateġija tiffoka biss fuq xogħol imħallas bħala mezz biex jiġu integrati l-migranti;

jirrikonoxxu l-intraprenditorija tal-migranti fil-Politika Ewropea dwar l-Integrazzjoni għall-migranti;

jiddefinixxu u jiġbru statistika affidabbli u armonizzata dwar il-kontribut ekonomiku u soċjali tal-intraprendituri migranti fl-UE kollha, flimkien mal-Eurostat u l-Istati Membri. Dan jista’ jgħin biex l-UE tfassal politiki tal-immigrazzjoni aqwa;

ikomplu jiffaċilitaw l-appoġġ pubbliku għall-intraprendituri sabiex jiżguraw li l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u t-tkabbir tan-negozju ma jkunux affettwati b’mod negattivi minħabba li negozju vijabbli ma jkollux aċċess għal finanzjament adatt;

jintroduċu qafas għas-sensibilizzazzjoni, u t-tħeġġiġ tal-iskambju, ta’ prattika tajba fil-programmi li jibnu l-kapaċità u s-sostenibbiltà tal-intraprendituri migranti;

jiżviluppaw relazzjonijiet strateġiċi ma’ dawk il-pajjiżi ta’ oriġini li issa qed ifittxu b’mod proattiv li jinvolvu direttament il-komunitajiet tad-dijaspora tagħhom fl-UE f’attivitajiet intraprenditorjali kemm fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll fl-UE;

jużaw ftehimiet kummerċjali, fejn xieraq, bħala mekkaniżmu għat-tħeġġiġ ta’ attività intraprenditorjali konġunta ta’ intraprendituri migranti bbażati fl-UE u l-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Dan se jagħti appoġġ l-istrateġija tal-UE sabiex jiġu megħjuna l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jespandu n-negozju tagħhom barra l-UE.

1.6.2

L-Istati Membri tal-UE għandhom:

jirrikonoxxu u jippromovu l-intraprenditorija tal-migranti bħala parti mill-politiki tal-integrazzjoni usa’;

jirrevedu l-qafas regolatorju u strutturali għat-twaqqif tan-negozji inġenerali, billi jnaqqsu r-rekwiżiti amministrattivi mhux neċessarji li jistgħu jkunu ostakli biex wieħed jibda negozju;

jimminimizzaw ir-riskju tal-immigrazzjoni illegali u b’mod partikolari l-impjieg illegali billi jimplimentaw id-Direttiva 2009/52/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009. L-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva tesiġi li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet effettivi u adegwati fit-territorju tagħhom”;

jgħinu sabiex jiżdiedu r-rati fit-tul tal-impjieg billi jipprovdu aktar appoġġ għal negozji eżistenti tal-migranti, b’mod speċjali dawk immexxija minn nisa u miż-żgħażagħ, sabiex dawn in-negozji jsiru iktar sostenibbli;

jagħtu spinta lis-sensibilizzazzjoni u jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet intermedjarji, bħall-assoċjazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ u l-kooperattivi, sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw dawn in-negozji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti legali bħar-regoli tax-xogħol u dawk fiskali.

1.6.3

L-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, għandhom:

ikomplu programmi li jżidu l-kapital uman u soċjali tal-intraprendituri migranti billi jipprovdu bosta servizzi, bħal pariri u informazzjoni, taħriġ, netwerking u mentoring;

joħolqu jew iżidu opportunitajiet għall-intraprendituri migranti, billi jtejbu l-aċċess tal-organizzazzjonijiet tagħhom għal organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali;

iżidu s-sostenibbiltà tan-negozji tal-migranti. Għandha tingħata iktar attenzjoni lil intrapriżi eżistenti tal-migranti, speċjalment dawk f’setturi ta’ valur għoli, minflok jiffukaw biss fuq dawk li għadhom jibdew;

l-aċċess għall-kreditu huwa kwistjoni importanti ħafna għall-intraprenditorija, u għaldaqstant għandhom jitwaqqfu iżjed programmi sabiex jiżdied il-kapital finanzjarju tal-intraprendituri migranti, billi:

iġibuhom konxji mis-sorsi ta’ finanzjament

jipprovdulhom taħriġ speċifiku

iżidu l-għarfien, il-kompetenzi u l-fehim tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar dan il-grupp speċifiku ta’ klijenti tagħhom.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   L-Ewropa qed tiffaċċja tibdil demografiku importanti: tnaqqis evidenti fil-popolazzjoni f’bosta reġjuni, it-tranżizzjoni lejn popolazzjoni iktar anzjana u rati ta’ twelid baxxi. Madankollu, il-popolazzjoni globali fl-UE żdiedet b’madwar 2 miljun persuna kull sena bejn l-2004 u l-2008, l-iktar minħabba l-migrazzjoni netta. Il-migranti kkontribwixxew b’bosta modi għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi riċevituri billi ġabu magħhom ħiliet u talenti ġodda, għenew sabiex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħaddiema u bħala intraprendituri ħolqu intrapriżi u negozji ġodda.

2.2   Il-kontribut tal-migranti lill-ekonomija permezz tal-ħolqien dirett ta’ negozji ġodda huwa aspett li ma ngħatax daqstant attenzjoni. Din l-Opinjoni se tespandi fuq l-għarfien eżistenti tal-intraprenditorija tal-migranti u se tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex jitħaddan u jiġi rikonoxxut is-suċċess tal-intrapriżi tal-migranti u jissaħħaħ iktar il-kontribut tagħhom lejn it-tkabbir ekonomiku.

2.3   Li jitqabblu l-intraprenditorija u l-ħolqien ta’ impjiegi mill-migranti fil-pajjiżi kollha tal-UE hi ta’ sfida minħabba bosta sorsi ta’ data differenti disponibbli għal pajjiżi differenti u n-nuqqas ta’ definizzjoni bi qbil fil-livell internazzjonali ta’ x’inhu intraprenditur migrant.

2.4   Dan id-dokument hu bbażat l-iktar fuq il-preżentazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta tal-24 ta’ Novembru 2011 tal-Grupp ta’ Studju Permanenti tal-KESE dwar l-Immigrazzjoni u l-Integrazzjoni dwar il-kontribut tal-intraprendituri migranti lill-ekonomija tal-UE (4).

2.5   Intraprenditur migrant hu definit bħala intraprenditur li twieled barra l-UE u “li jfittex li jiġġenera valur permezz tal-ħolqien jew espansjoni tal-attività ekonomika” (5). L-intraprenditur jista’ jkun ħaddiem għal rasu, jiġifieri jimpjegaw lilhom innifishom, jew jimpjegaw persunal (6).

2.6   Din l-Opinjoni tikkonċentra fuq l-intraprendituri li jaħdmu għal rashom u li jużaw data tal-istħarriġ dwar il-forza tax-xogħol sabiex isir tqabbil bejn l-Istati Membri u bejn intraprendituri migranti u intraprendituri nattivi. Barra minn hekk, l-analiżi tikkonċentra fuq intraprendituri mhux relatati mal-agrikoltura, minħabba li din hi n-norma applikata għar-riċerka dwar l-intraprenditorija.

3.   Karatteristiċi tal-intraprendituri migranti

3.1   Il-migranti huma iktar intraprenditorjali

3.1.1

L-istħarriġ tal-UE dwar is-suq tax-xogħol (7) juri li t-tendenza tal-intraprenditorija tal-migranti tvarja madwar l-UE, bis-sehem tal-intraprendituri migranti fl-impjieg totali jkun bejn 1,5 u 2,9 punti perċentwali ogħla min-nattvi fir-Renju Unit, fi Franza, fil-Belġju, fid-Danimarka u fl-Isvezja. Madankollu hemm sehem iktar baxx ta’ intraprendituri migranti meta mqabbel man-nattivi fil-Portugall, fi Spanja, fl-Italja, fil-Greċja, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija.

3.1.2

Reġjonalment hemm rata globali ogħla ta’ impjieg indipendenti (nattivi u migranti) fin-Nofsinhar tal-Ewropa u fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-Ewropa. Madankollu, fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-Ewropa t-tendenza hi li l-migranti jkollhom propensità ogħla min-nattivi lejn l-impjieg indipendenti, filwaqt li l-kuntrarju jista’ jingħad fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

3.1.3

Din ir-rappreżentanza żejda ta’ migranti fl-impjieg indipendenti fil-Polonja, fir-Repubblika Slovakka, fir-Repubblika Ċeka u fl-Ungerija hija parzjalment minħabba r-regolamenti tal-viża li huma relattivament flessibbli għall-intraprendituri migranti u s-sitwazzjoni tal-impjieg f’dawn il-pajjiżi. Ir-rati iktar baxxi ta’ intraprenditorija tal-migranti fil-Pajjiżi tan-Nofinshar tal-Ewropa jistgħu jkunu konsegwenza tal-fatt li l-migranti f’dawn il-pajjiżi forsi għad ma kellhomx biżżejjed ħin sabiex jiġbru l-kapital uman, fiżiku u soċjali meħtieġ sabiex jiftħu negozju, peress li jistgħu ma jkunux midħla tal-lingwa nattiva, jew jiltaqgħu ma’ problemi biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti.

3.1.4

Id-data dwar in-numru ta’ intraprendituri ġodda f’sena partikolari tissuġġerixxi wkoll li hemm it-tendenza li l-migranti jkunu iktar intraprenditorjali min-nattivi. Matul il-perjodu 1998-2008, il-medja annwali ta’ intraprendituri migranti ġodda rdoppja fil-Ġermanja (għal iktar minn 100 000 fis-sena) u fir-Renju Unit (għal kważi 90 000 fis-sena). Fi Spanja u fl-Italja l-medja annwali żdiedet b’sitt darbiet (għal iktar minn 75 000 fis-sena) u tmien darbiet (għal 46 000) rispettivament. Fi Franza kien hemm żieda żgħira (għal 35 000) tul l-istess perjodu (8).

3.1.5

Barra minn hekk, il-migranti huma iktar intraprenditorjali f’termini relattivi meta mqabbla mal-popolazzjoni tagħhom milli huma n-nattivi. Pereżempju fir-Renju Unit, filwaqt li l-migranti jagħmlu 8 % mill-popolazzjoni tar-Renju Unit, għandhom sjieda ta’ madwar 12 % mill-SMEs kollha tar-Renju Unit.

3.1.6

Din id-data hija konsistenti ma’ studju reċenti li sar fl-Istati Uniti li juri li s-sehem tal-immigranti fl-ammont ta’ sidien ta’ negozji żgħar huwa 18 %, meta mqabbel mal-proporzjon tagħhom tal-popolazzjoni kollha li huwa 13 % u tal-forza tax-xogħol, jiġifieri 16 % (9).

3.2   Is-sostenibbiltà tan-negozji tal-migranti

3.2.1

Filwaqt li t-tranżizzjonijiet fl-intraprenditorija minn sena għall-oħra huma ogħla fost il-migranti, it-tranżizzjonijiet ’l barra mill-intraprenditorija huma ogħla wkoll. Din ir-rata iktar baxxa ta’ sopravivenza tista’ tindika li l-impjieg indipendenti huwa mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni lejn impjieg b’paga jew tista’ tindika rata ogħla ta’ falliment tal-intrapriżi tal-migranti. Pereżempju, fi Franza, 40 % biss mill-intrapriżi bi sjieda ta’ ċittadini barranin kienu qed joperaw ħames snin wara l-ħolqien tagħhom meta mqabbel ma’ 54 % għaċ-ċittadini Franċiżi (10). L-istudju tal-OECD (11) sab li anke wara l-ivverifikar tal-kwalifiki, l-esperjenza u fatturi oħra. in-negozji tal-migranti huma 27 % inqas probabbli li jissoppravivu meta mqabbla man-negozji nattivi.

3.3   Setturi ta’ valur għoli

3.3.1

Il-firxa ta’ attivitajiet li l-intraprendituri migranti jwettqu fil-pajjiżi ospitanti tagħhom hi wiesgħa daqs tan-nattivi. Din it-trasformazzjoni, min-negozji li jaqdu l-iktar lill-popolazzjonijiet milli t-territorji etniċi tagħhom, hi parzjalment dovuta għall-kisba edukattiva dejjem ikbar ta’ bosta migranti, kif ukoll bidliet fl-istrutturi ekonomiċi ta’ soċjetajiet postindustrijali.

3.3.2

Fl-Ewropa, għalkemm proporzjon kbir ta’ intraprendituri barranin jaħdmu f’setturi li tradizzjonalment huma iktar assoċjati ma’ negozji tal-migranti (jiġifieri l-kummerċ bil-grossa u bl-imnut), bosta jaħdmu barra s-setturi kummerċjali tradizzjonalment etniċi, bi kważi 18 % tal-intraprendituri migranti fis-settur tal-kostruzzjoni; madwar 8 % fis-settur professjonali, xjentifiku u tekniku; madwar 6 % fil-manifattura u 6 % oħra fis-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali.

3.4   Profil

3.4.1

Il-profil ġenerali tal-intraprendituri migranti u tal-post hu simili fis-sens li t-tendenza hi li jkollhom bosta ħiliet u jkunu maskili, b’iktar minn tliet kwarti ’l fuq minn 35 sena. L-intraprendituri migranti u nattivi normalment huma ixjeħ mill-ħaddiema b’paga u salarjati. Dan ir-riżultat jista’ jiġi spjegat mill-ħtieġa li jiġi akkumulat biżżejjed kapital soċjali u fiżiku, kif ukoll esperjenza, qabel ikun jista’ jinfetaħ negozju.

3.4.2

L-intraprendituri migranti għandhom medja ogħla ta’ livell tal-edukazzjoni mill-kontropartijiet nattivi tagħhom b’madwar 30 % - 40 % tal-intraprendituri migranti jkollhom edukazzjoni terzjarja.

3.4.3

Kważi żewġ terzi tal-intraprendituri migranti ilhom iktar minn għaxar snin fil-pajjiż riċevitur meta mqabbel ma’ iktar minn 50 % mill-migranti li jaqilgħu paga.

3.4.4

Il-migranti minn reġjuni ta’ oriġini differenti għandhom propensitajiet differenti sabiex isiru intraprendituri, u l-migranti Asjatiċi għandhom l-ogħla propensità filwaqt li l-migranti mill-Amerika Latina u l-Afrika l-iktar baxxa. Id-differenzi fl-edukazzjoni u l-ġid akkumulat jistgħu jispjegaw parti importanti tad-differenzi fl-imġiba intraprenditorjali bejn il-gruppi tal-migranti. Spjegazzjoni addizzjonali hi li tradizzjonalment xi pajjiżi ta’ oriġini għandhom sehem ogħla ta’ intraprendituri fl-ekonomiji tagħhom, u l-individwi li jemigraw minn tali pajjiżi huma iktar probabbli li jistabbilixxu negozju fil-pajjiż riċevitur.

3.4.4.1

Għandu jiġi nnutat li l-esperjenza tal-migrant skont ir-reġjun ta’ oriġini mhix omoġenea. Pereżempju, ċifri mir-Renju Unit jindikaw li jekk ir-rati ta’ impjieg tal-komunità ta’ migranti mill-Pakistan jaqblu ma’ dawk tal-kontropartijiet tagħhom Indjani, il-proporzjon ta’ ħaddiema irġiel u nisa f’dan il-grupp jogħla b’24 % u 136 % rispettivament, żieda ta’ madwar 96 000 persuna li qed jaħdmu.

4.   Il-kuntest tal-UE

4.1   Il-Programm ta’ Stokkolma jistabbilixxi l-aġenda għall-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għall-perjodu 2010-2014; wieħed mill-aspetti hu l-integrazzjoni b’suċċess ta’ migranti sabiex jissaħħu l-valuri demokratiċi u l-koeżjoni soċjali, u sabiex jiġi promoss id-djalogu interkulturali fil-livelli kollha.

4.2   B’baġit ta’ EUR 825 miljun għall-perjodu 2007-13, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni jappoġġja inizjattivi nazzjonali u tal-UE li jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ immigranti mhux mill-UE fis-soċjetajiet Ewropej u jinkludi proġetti fil-qasam tal-intraprenditorija tal-migranti u l-edukazzjoni tal-intraprenditorija għall-migranti (12).

4.3   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” (13) tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-intraprendituri migranti, iżda l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u impjiegi hu assenti mill-inizjattivi prinċipali Ewropej bħall-Istrateġija Ewropa 2020.

4.4   Il-Pakkett tal-Impjiegi tal-UE jiffoka fuq xogħol imħallas bħala mezz biex jiġu integrati l-migranti. Madankollu, jeskludi r-rwol tal-intraprendituri migranti, li jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli u jiffaċilitaw l-inklużjoni ekonomika u soċjali ta’ ċittadini migranti u nattivi.

4.5   Dawk li jfasslu l-politiki tal-UE għandhom jinkludu b’mod attiv u konsistenti l-intraprenditorija tal-migranti bħala parti mill-istrateġiji tal-UE. Barra minn hekk, ir-rwol tal-intraprendituri migranti fl-istrateġija ta’ integrazzjoni għall-migranti għandu jiġi rikonoxxut u appoġġjat ukoll.

5.   Il-kontribut tal-intraprendituri migranti

5.1   Is-suq tax-xogħol

5.1.1

L-Istħarriġ tal-UE dwar is-Suq tax-Xogħol (1998-2008) jenfasizza l-kontribut pożittiv tal-intraprendituri migranti għax-xogħol, anke jekk bosta intraprendituri (nattivi u migranti) jimpjegaw lilhom innifishom biss.

5.1.2

Dawn joħolqu medja ta’ bejn 1,4 u 2,1 impjieg addizzjonali. Madankollu, it-tqabbil mal-intraprendituri nattivi jissuġġerixxi li relattivament l-intraprendituri migranti joħolqu inqas impjiegi. L-eċċezzjonijiet għal din l-osservazzjoni ġenerali huma r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit, fejn l-intraprendituri migranti jidher li joħolqu iktar impjiegi mill-intraprendituri nattivi.

5.1.3

Dan il-kontribut lix-xogħol inġenerali qiegħed jikber dejjem iktar maż-żmien. Mill-1998 sal-2008, in-numru ta’ individwi impjegati minn intraprendituri migranti żdied fi Spanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li fir-Renju Unit u Franza l-kontribut għall-impjieg kien għoli b’mod konsistenti. Pereżempju, kemm fl-2007 kif ukoll fl-2008, annwalment l-intraprendituri migranti impjegaw iktar minn 750 000 individwu fil-Ġermanja, madwar nofs miljun fir-Renju Unit u Spanja, kważi 400 000 fi Franza u madwar 300 000 fl-Italja.

5.1.4

F’termini relattivi, dan il-kontribut għall-impjieg hu ekwivalenti għal bejn 1,5-3 % tat-total tal-forza tax-xogħol impjegata. Il-pajjiżi fejn il-migranti jikkontribwixxu l-iktar għall-impjiegi globali huma l-Lussemburgu (8,5 %) u l-Irlanda (4,9 %). Filwaqt li l-limitazzjonijiet tad-data ma jippermettulniex nistabbilixxu jekk il-migranti jimpjegawx l-iktar migranti oħra jew le, xi studji wrew li l-migranti jimpjegaw ukoll nattivi kif ukoll migranti oħra.

5.2   L-ekonomija

5.2.1

Il-kontributi tal-intraprendituri migranti mhumiex limitati għall-ħolqien tal-impjiegi, iżda jikkontribwixxu wkoll għat-tkabbir ekonomiku globali tal-pajjiż riċevitur. Huwa diffiċli ħafna li tinġabar evidenza empirika fir-rigward tal-kontribuzzjoni reali lill-ekonomija tal-UE. Madankollu hemm data mir-Renju Unit li turi li l-kontribuzzjoni tagħhom hija stmata li tilħaq GBP 25 biljun għall-ekonomija tar-Renju Unit kull sena – 6 % tat-total ta’ Valur Gross Miżjud tal-SMEs (GBP 430 biljun fl-2007) (14).

5.2.2

Dan jitqabbel ma’ studju fl-Istati Uniti li juri li negozji żgħar fejn l-immigranti huma n-nofs jew iżjed tas-sidien jikkontribwixxu USD 776 biljun fis-sena – 13 % tat-total tan-negozji ż-żgħar (USD 6 triljun fl-2007).

5.2.3

Indikazzjoni oħra hija d-data minn Franza li turi li fl-2009, l-immigranti fi Franza rċevew EUR 47,9 biljun mill-istat Franċiż (sigurtà soċjali, djar, edukazzjoni, eċċ.) iżda taw kontribuzzjoni ta’ EUR 60,3 biljun. Fi kliem ieħor, l-immigranti taw kontribuzzjoni ta’ EUR 12,4 biljun netti lill-finanzi pubbliċi (15).

5.2.4

Il-KESE jemmen li l-kontribuzzjoni tal-UE tista’ tkun ogħla jekk l-intraprendituri migranti li jaħdmu fl-ekonomija informali jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jagħmlu t-tranżizzjoni għall-ekonomija formali.

5.3   Il-kummerċ

5.3.1

Hemm ukoll evidenza li l-intraprendituri migranti jgħinu fil-ħolqien ta’ opportunitajiet kummerċjali għall-pajjiż riċevitur billi jnaqqsu l-ispejjeż ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-kummerċ mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, permezz tal-użu tan-netwerks ta’ kuntatt tagħhom u l-għarfien dwar is-swieq fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Pereżempju fl-Isvezja 22 % tan-negozji bi sjieda barranija jimmiraw il-prodotti u s-servizzi tagħhom, tal-inqas parzjalment, lejn is-suq internazzjonali, meta mqabbla mal-15 % ta’ negozji bi sjieda nattiva (16). Intwera wkoll li żieda ta’ 10 % fl-istokk tal-migranti fl-Isvezja ġiet assoċjata ma’ żieda ta’ 6 % fl-esportazzjonijiet u żieda ta’ 9 % fl-importazzjonijiet fuq bażi medja (17). Din is-sejba tissuġġerixxi li l-migranti jista’ jkollhom rwol importanti bħala faċilitaturi ta’ kummerċ barrani billi jitnaqqsu ostakli kummerċjali impliċiti mal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.

5.3.2

Eżempju ieħor huwa r-Renju Unit. L-intraprendituri migranti jipprovdu aċċess dirett għal komunità tad-dijaspora tagħhom li qed tikber, b’introjtu disponibbli stmat iktar minn EUR 30 miljun, kif ukoll il-ftuħ ta’ opportunitajiet kummerċjali ġodda fis-swieq globali, bħall-Indja, iċ-Ċina u pajjiżi fl-Afrika, il-Karibew u l-Amerika Latina.

5.4   Għandu jiġi nnutat li l-intraprenditorija tal-migranti mhix biss dwar il-ħolqien tal-impjiegi u l-ekonomija. Tista’ ttejjeb l-opportunitajiet soċjali għall-migranti, toħloq iktar tmexxija soċjali, iżżid il-kunfidenza fil-persuna u tippromovi l-koeżjoni soċjali fost iċ-ċittadini billi jagħtu ħajja ġdida lit-toroq u l-viċinat.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Rath, J., Eurofound (2011), “Promoting ethnic entrepreneurship in European cities”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(2)  “Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi” – COM(2011) 455 final u SEC(2011) 957 final.

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:168:0024:0032:MT:PDF.

(4)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-migrant-entrepreneurs-contribution-present.

(5)  Definizzjoni stabbilita ta’ intraprenditur mill-OECD, OECD, 2008.

(6)  Rath, J., Eurofound (2011), “Promoting ethnic entrepreneurship in European cities”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(7)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/employment_unemployment_lfs/data/database.

(8)  Link għall-istatistika: http://dx.doi.org/10.1787/888932442104.

(9)  http://www.fiscalpolicy.org/immigrant-small-business-owners-FPI-20120614.pdf.

(10)  Breem, Y. (2009), “Les entreprises créées en 2002 par des ressortissants des pays tiers: de plus grandes difficultés à survivre”, Infos Migrations, No. 13, Département des statistiques, des études et de la documentation (DSED), Ministère de l’Immigration, de l’Intégration, de l’Identité nationale et du Développement solidaire.”

(11)  Miftuħ għan-Negozju: l-Intraprenditorija tal-Immigranti fil-Pajjiżi tal-OECD, 2010.

(12)  http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/financing/fundings/migration-asylum-borders/integration-fund/index_en.htm.

(13)  COM(2011) 455 final u SEC(2011) 957 final.

(14)  http://www.bis.gov.uk/assets/biscore/enterprise/docs/b/11-515-bigger-better-business-helping-small-firms.

(15)  http://www.europeanvoice.com/article/imported/time-to-value-migrants-contribution/74527.aspx

(16)  Aġenzija Svediża għall-Ekonomija u t-Tkabbir Reġjonali (2007).

(17)  Hatzigeorgiou fl-OECD (2010).


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/05

Relatur: is-Sur SOARES

Nhar l-24 ta’ Mejju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-eradikazzjoni tal-vjolenza domestika fuq in-nisa

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fl-2006, il-KESE kien diġà ta fehmtu dwar il-vjolenza domestika fuq in-nisa (1), billi esprima t-tħassib tas-soċjetà ċivili fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li tħejjew dik id-darba għadhom japplikaw u għalhekk ma reġgħux issemmew f’din l-opinjoni.

1.2

Il-KESE, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili u waqt li huwa konxju li l-problema tal-vjolenza sessista, b’mod partikolari l-vjolenza domestika, hija kwistjoni li tolqot lil kulħadd, jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu fil-ġlieda kontra din il-pjaga permezz tal-mezzi kollha possibbli, u b’mod speċjali jara l-possibbiltà li darba kull sentejn jiġi organizzat dibattitu dwar din il-problema.

1.3

Il-KESE jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri:

1.3.1

id-drittijiet tal-bniedem: tiġi indirizzata l-vjolenza sessista fil-kuntest domestiku bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, peress li dan jippermetti li tinstab risposta globali u multisettorjali għall-problema;

1.3.2

il-paradigmi tas-sigurtà u tar-riskji: jiġu adottati miżuri li għandhom l-għan li jbiddlu l-paradigmi tas-sigurtà u tar-riskji, billi tiddaħħal il-konvinzjoni li l-vjolenza kontra n-nisa fil-kuntest domestiku m’hijiex problema individwali, iżolata u li tagħmel parti mill-isfera privata, iżda hija kwistjoni ta’ sigurtà u tal-ordni pubbliku;

1.3.3

il-prevenzjoni: tiġi żviluppata politika ta’ prevenzjoni tal-vjolenza domestika billi jinħolqu żoni multidixxiplinarji ta’ appoġġ, attrezzati b’riżorsi u persunal speċjalizzat, kif ukoll bi pjani ta’ azzjoni interministerjali li jinvolvu lill-irġiel u liż-żgħażagħ fl-isforzi biex tiġi eradikata l-vjolenza domestika;

1.3.4

il-politiki ta’ protezzjoni: jiġi garantit lin-nisa vittmi tal-vjolenza aċċess prijoritarju għall-akkomodazzjoni, għall-għajnuna ekonomika, għat-taħriġ kif ukoll għal impjieg deċenti fejn jiġi applikat il-prinċipju ta’ “għall-istess xogħol, l-istess salarju”;

1.3.5

l-armonizzazzjoni tal-kriterji statistiċi: jiġu armonizzati l-kriterji sabiex jiġu rreġistrati l-każijiet ta’ vjolenza sessista, biex id-data miġbura tkun tista’ titqabbel;

1.3.6

l-edukazzjoni: jiġi garantit li l-edukazzjoni tikkontribwixxi biex tinbidel il-mentalità, jiġifieri, fost affarijiet oħra, jiġu implimentati programmi verament edukattivi sabiex jieqaf il-lingwaġġ sessist fil-kotba tal-iskola kif ukoll biex l-għalliema jingħatalhom taħriġ inizjali u permanenti li jkopri l-problema tal-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika;

1.3.7

il-mezzi tax-xandir: tiġi garantita applikazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva (2), b’mod li ma tibqax tixxandar, b’mod speċjali mill-mezzi tax-xandir, u b’mod partikolari permezz tar-reklami, immaġni negattiva tal-mara;

1.3.8

is-saħħa: tissaħħaħ l-idea li l-vjolenza domestika kontra n-nisa hija varjant tar-riskju fuq is-saħħa;

1.3.9

il-koresponsabbilizzazzjoni: jissaħħu u jiġu appoġġjati l-miżuri li jippromovu r-responsabbiltà konġunta tal-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-kura tat-tfal, tal-ġenituri anzjani jew ta’ dawk bi bżonnijiet speċjali;

1.3.10

l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet li jaħdmu favur in-nisa vittmi tal-vjolenza domestika jew li jippromovu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni jew taħriġ fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

1.3.11

Is-sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista: tiġi ddedikata sena Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

1.3.12

il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika: Il-KESE iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw din il-konvenzjoni li ġiet adottata fl-2011.

2.   Introduzzjoni

2.1

Kwalunkwe vjolenza fuq persuna hija attentat fuq id-dinjità tagħha, fuq l-integrità fiżika u psikoloġika tagħha, fuq id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fuq il-prinċipji ta’ bażi ta’ soċjetà demokratika.

2.2

Peress li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jirrispettaw, jipproteġu u jippromovu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom, dawn għandhom jinvestu riżorsi pubbliċi importanti f’servizzi u persunal speċjalizzat sabiex din il-missjoni titwettaq.

2.3

Il-vjolenza pubblika hija kkundanata mis-soċjetà, u s-soċjetà tappoġġja l-azzjonijiet tal-Istat li jittieħdu sabiex jitrażżnu u jiġu kkastigati l-ħatja.

2.4

Madankollu teżisti vjolenza oħra, aktar silenzjuża, li titwettaq ġewwa d-djar u li tolqot lill-vittmi tagħha b’mod xi kultant aktar brutali: il-vjolenza domestika.

Il-membri kollha ta’ familja jistgħu jkunu vittmi okkażjonali jew permanenti ta’ tipi differenti ta’ vjolenzi, li jistgħu jwasslu għall-mewt.

2.5

Jekk dawn kollha jistħoqqilhom l-attenzjoni, it-tħassib u t-teħid ta’ miżuri min-naħa tal-awtoritajiet, huwa veru wkoll li l-grupp l-aktar milqut sistematikament huwa dak tan-nisa. Il-vjolenza domestika tibqa’ waħda mill-kawżi prinċipali tal-mewt fost in-nisa fid-dinja. Huwa għalhekk li din l-opinjoni tikkonċerna l-vjolenza domestika fuq in-nisa.

2.6

L-Unjoni Ewropea tiddefinixxi l-vjolenza fuq in-nisa bħala “kwalunkwe att ta’ vjolenza sessista li twassal, jew li tista’ twassal, għal dannu jew sofferenza fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi fuq in-nisa, inklużi theddid ta’ atti bħal dawn, il-koerċizzjoni jew id-deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk iseħħu fil-pubbliku kif ukoll fil-ħajja privata” (3).

2.7

Minkejja l-isforzi li saru matul l-aħħar għexieren ta’ snin mill-awtoritajiet pubbliċi u diversi setturi tas-soċjetà, organizzati u mhux, din il-forma ta’ vjolenza għadha titqies bħala problema privata, għalkemm fil-verità din hija problema pubblika.

2.8

Il-vjolenza domestika hija reat li għandu jiġi penalizzat mil-liġi. Il-KESE jagħraf l-isforz li sar minn pajjiżi differenti tal-Unjoni sabiex dawk li jikkommettu dan ir-reat jiġu penalizzati bl-aktar miżuri severi. Madankollu huwa importanti wkoll li jiġu identifikati l-kawżi profondi li huma l-bażi ta’ dan il-fenomenu u li jiġu definiti l-istrateġiji meħtieġa biex jikkumbattuh, inkluż permezz ta’ fehim aħjar tal-fenomenu mill-irġiel.

2.9

Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika qiegħda tolqot serjament il-politiki soċjali f’diversi pajjiżi tal-UE. Is-servizzi pubbliċi bażiċi, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali qegħdin jitnaqqsu meta l-familji, b’mod partikolari n-nisa, jeħtiġuhom iktar. Qegħdin jingħalqu servizzi ta’ assistenza speċjali għan-nisa u ċentri ta’ akkoljenza għan-nisa msawta, qegħdin jitnaqqsu l-baġits tas-servizzi nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, qegħdin jitneħħew proġetti ta’ prevenzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-mezzi tax-xandir, eċċ.

2.10

L-inugwaljanzi ekonomiċi u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa f’oqsma bħall-impjieg, is-salarji, l-aċċess għal riżorsi ekonomiċi oħra u n-nuqqas ta’ indipendenza ekonomika iżda wkoll il-persistenza tal-isterjotipi sessisti u ta’ soċjetà patrijarkali qegħdin inaqqsu l-kapaċità tal-mara li tirreaġixxi u qegħdin jenfasizzaw il-vulnerabbiltà tagħha fir-rigward tal-vjolenza domestika.

2.11

Il-kriżi ekonomika attwali u l-politiki fis-seħħ li suppost qegħdin jiġġilduha, flimkien mal-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji u l-privatizzazzjoni tas-settur pubbliku, mhux biss għandhom l-effett li jsaħħu d-diviżjoni sessista tax-xogħol iżda qegħdin iżidu l-inugwaljanzi filwaqt li jaggravaw il-fatturi li jipprovokaw il-vjolenza.

2.12

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (4) irrikonoxxiet l-effetti dannużi tal-globalizzazzjoni fuq l-istrutturi soċjali. Globalizzazzjoni mingħajr regoli tista’ twassal għal forom agħar ta’ vjolenza fuq in-nisa, b’mod partikolari fil-forma tat-traffikar tal-bnedmin.

2.13

In-nisa li jagħmlu parti minn gruppi ta’ minoranza, il-migranti nisa, in-nisa foqra li jgħixu f’komunitajiet rurali jew remoti, in-nisa li qegħdin il-ħabs, in-nisa fl-istituti, in-nisa b’diżabbilitajiet mentali u fiżiċi u n-nisa anzjani huma aktar fir-riskju li jesperjenzaw il-vjolenza.

2.14

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tħejji paragun tal-vjolenza domestika fuq in-nisa fl-Ewropa, tippreżenta viżjoni tal-miżuri kollha li ttieħdu u tqajjem kuxjenza soċjali aktar akuta tal-problema.

2.15

Il-KESE, li huwa l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata, huwa lest biex, flimkien mal-organizzazzjonijiet impenjati kontra din it-tip ta’ vjolenza, jorganizza forum ta’ dibattitu sabiex jiġu diskussi proposti għall-eradikazzjoni ta’ din il-vjolenza, u biex isir skambju ta’ eżempji ta’ prattika tajba li jwasslu għal miżuri effettivi ta’ prevenzjoni.

3.   Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa – strument li għandu jiġi ratifikat u applikat

3.1

Fl-2011, il-Kunsill tal-Ewropa adotta Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (5). Dan huwa l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti li joħloq qafas legali globali sabiex tiġi prevenuta l-vjolenza, jitħarsu l-vittmi u jiġu kkundannati l-aggressuri. Dan huwa appell imniedi favur aktar ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, peress li l-vjolenza kontra n-nisa għandha għeruq profondi fl-inugwaljanzi kontra s-sessi u li tkompli minħabba li qed tiġi perpetwata minn kultura patrijarkali u indifferenza fir-rigward ta’ din ir-realtà.

3.2

Din il-Konvenzjoni tqis it-tipi kollha ta’ vjolenza (fiżika, psikoloġika, fastidju sesswali, żwieġ furzat, mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa, fastidju, sterilizzazzjoni jew abort furzat) mingħajr distinzjoni fl-età, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-oriġini soċjali, is-sitwazzjoni migratorja jew l-orjentazzjoni sesswali tal-vittma.

3.3

S’issa, huma 20 pajjiż biss li ffirmaw (6) din il-Konvenzjoni, uħud minnhom b’xi riservi (il-Ġermanja, is-Serbja u Malta), u pajjiż wieħed biss għadu rratifikaha (7). Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u japplikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kemm jista’ jkun malajr.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

45 % tan-nisa fl-UE jiddikjaraw li xi darba jew oħra kienu vittma tal-vjolenza sessista. Bejn 40 u 45 % fost dawn jiddikjaraw li kienu vittmi ta’ fastidju sesswali fuq ix-xogħol. Huwa stmat li fl-Ewropa seba’ nisa kuljum imutu kawża ta’ vjolenza sessista (8).

4.2

Barra minn hekk dan huwa fenomenu li għandu impatt ekonomiku qawwi. Fil-fatt huwa stmat li l-vjolenza fuq in-nisa fis-47 pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha spiża annwali ta’ madwar EUR 32 biljun.

4.3

Stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru fl-2010 wera li ċ-ċittadini huma konxji ta’ dan il-fenomenu (98 % tal-persuni mistħarrġa) u li huwa mifrux ħafna (persuna kull erbgħa tgħid li taf b’mara vittma ta’ vjolenza domestika u persuna kull ħamsa tiddikjara li taf lil xi ħadd li jwettaq dawn il-vjolenzi).

4.4

Diġà fl-1980, it-tieni Konferenza Dinjija dwar l-istatut legali u soċjali tal-mara stabbilixxiet li l-vjolenza fuq in-nisa hija r-reat l-aktar silenzjuż fid-dinja. Tlettax-il sena wara, il-Konferenza Dinjija dwar id-drittijiet tal-bniedem ta’ Vjenna rrikonoxxiet id-drittijiet tal-mara bħala drittijiet tal-bniedem. L-Istati Membri tal-UE ħadu l-impenn li jilħqu l-objettivi fundamentali tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing tal-1995.

4.5

Fid-dikjarazzjoni finali tat-tieni Summit Ewropew tan-Nisa fil-Poter (Cadiz, Marzu 2010) (9), 25 ministru mara u diversi mexxejja politiċi mill-UE kollha rrikonoxxew li l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha trid tiġi konkretizzata fil-fatti u li l-vjolenza fuq in-nisa hija problema persistenti u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Id-dokument jafferma li l-isterjotipi sessisti jkomplu jiġġeneraw id-diskriminazzjoni u jwissi kontra l-fatt li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar qegħdin jikkupjaw imġiba sessista.

4.6

L-istituzzjonijiet Ewropej ħarġu diversi dokumenti ta’ analiżi u ta’ azzjoni, li huma msemmija hawn taħt b’mod mhux eżawrjenti:

4.6.1

Il-Kunsill Ewropew:

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar L-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea (8 ta’ Marzu 2010) li jappellaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u sabiex jippromovu miżuri li jiffinanzjaw dawn l-isforzi.

4.6.2

Il-Parlament Ewropew:

Riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet u d-definizzjoni ta’ qafas politiku ġdid tal-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2011).

F’Settembru 2011, il-Parlament Ewropew appoġġja l-għoti tal-Ordnijiet tal-Protezzjoni Ewropea lill-vittmi tal-vjolenza sessista, il-fastidju sesswali, is-sekwestru u l-attentat ta’ qtil. Din il-miżura kienet pass importanti sabiex tinbena żona Ewropea għall-protezzjoni tan-nisa.

4.6.3

Il-Kummissjoni Ewropea:

Karta tan-Nisa (2009), Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (2010), Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015.

Saru diversi studji dwar il-vjolenza fuq in-nisa sabiex jiġi approfondit l-għarfien ta’ din il-problema.

Fit-18 ta’ Mejju 2011 ġew adottati numru ta’ proposti li għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi ta’ reat (Direttiva orizzontali li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità; Regolament relatat mal-għarfien reċiproku tal-miżuri ta’ protezzjoni fil-qasam ċivili).

Finanzjament ta’ programmi speċifiċi bħal Daphne III, kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet Ewropej għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (Lobby Ewropew tan-Nisa).

4.7

Barra minn hekk, l-Istati Membri, għalkemm mhux kollha, adottaw liġijiet bil-għan li l-vjolenza domestika ssir reat, li jittieħdu miżuri aktar drastiċi kontra l-aggressuri, li l-vjolenza domestika tiġi kklassifikata fost ir-reati relatati mal-ordni pubbliku, eċċ.

4.8

Minkejja li fil-livell nazzjonali u Ewropew għad hemm nuqqas ta’ data affidabbli u paragunabbli dwar il-vjolenza domestika, iċ-ċifri magħrufa huma allarmanti biżżejjed sabiex ma jkunx hemm dubju li l-problema hija kbira (10).

4.9

Minkejja ċ-ċifri u tħejjija aktar rigoruża tal-leġislazzjoni, huwa veru li hemm l-idea ġeneralizzata li qed ngħixu f’soċjetà ta’ ugwaljanzi, u dan jista’ jikkorrompi d-dibattitu mhux biss dwar il-vjolenza domestika iżda dwar tipi oħra ta’ vjolenza u inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, bħalma huma d-differenzi fis-salarji, il-promozzjonijiet fl-iżvilupp tal-karrieri, eċċ.

4.10

Forma ta’ vjolenza minsija minħabba li hija inviżibbli għad-dinja ta’ barra hija l-vjolenza psikoloġika. Issa wasal iż-żmien li niksru s-silenzju u nagħrfu li din il-forma ta’ vjolenza tikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tiġi integrata fil-leġislazzjoni relatata mal-vjolenza sessista.

4.11

In-nisa li jissopravvivu l-vjolenza psikoloġika, li ta’ spiss jibqgħu trawmatizzati tul ħajjithom kollha, jeħtieġu għajnuna globali multidixxiplinarja f’ambjent sigur ta’ riabilitazzjoni. Meta jkollhom bilfors jgħixu iżolati mis-soċjetà, mingħajr prova tanġibbli ta’ atti ta’ vjolenza, dawn jibżgħu li ħadd mhu ser jemminhom. Sabiex dawn jerġgħu jadattaw, huwa essenzjali li dawk li jagħtuhom il-kura jemmnuhom.

4.12

Il-vjolenza domestika għandha impatt mhux biss fuq il-vittma diretta iżda tmiss ukoll lil dawk li jgħinuha jew li jafu bil-problema, u b’mod speċjali t-tfal li l-fraġilità emozzjonali tagħhom tagħmilhom partikolarment vulnerabbli, u li l-effetti fuqhom jistgħu jippersistu tul ħajjithom kollha.

4.13

Minkejja li r-reati domestiċi mhumiex biss l-aggressjonijiet kontra n-nisa, tajjeb li nkunu nafu li reati oħra li jsiru fl-ambjent domestiku, bħall-pedofilija (90 % tal-każijiet jitwettqu minn membri tal-familja) jitqiesu bħala diżgustanti filwaqt li fil-każ tal-vjolenza domestika, għadna qegħdin infittxu r-raġunijiet li jimbuttaw lill-aggressur sabiex iwettaq dawn l-atti.

5.   Kummenti partikolari u proposti għal azzjoni

5.1

Huwa importanti li jkun hemm risposta għall-mistoqsija fundamentali dwar għalfejn dawn ir-reati ta’ spiss jitqiesu bħala soċjalment skużabbli u għalfejn ir-raġuni għall-vjolenza titpoġġa f’ħoġor il-mara li tkun ġiet attakkata. Ir-raġunijiet kulturali u soċjali li ta’ spiss jingħataw, apparti li jkunu ħżiena, ma jagħmlu xejn ħlief li jiffavorixxu ż-żamma tal-istatus quo.

5.2

L-idea li l-vjolenza domestika għandha l-għeruq tagħha f’kultura u tradizzjoni antiki ssaħħaħ il-preżunzjoni skorretta li l-kultura hija għadd statiku ta’ twemmin u prattiki. Għall-kuntrarju, din tiżviluppa u tissawwar mingħajr waqfien, u hija kapaċi tevolvi preċiżament peress li hija eteroġenea u tinkorpora valuri li jikkompetu bejniethom.

5.3

Il-kultura hija strettament marbuta mal-eżerċizzju tal-poter: l-istandards u l-valuri jiksbu awtorità meta dawk li jiddefenduhom ikollhom il-poter jew pożizzjonijiet ta’ influwenza.

5.4

In-nisa wkoll huma l-protagonisti hawnhekk u jinfluwenzaw il-kultura li jgħixu fiha. Il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fil-kultura hija essenzjali sabiex jinbidlu l-mentalitajiet, il-prattiki u l-użanzi li jagħmlu ħsara lill-immaġni u lis-sitwazzjoni tagħhom.

5.5

Dan jispjega l-importanza li ngħatat sabiex jiġi diskuss il-fatt li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-livelli differenti tal-poter. Sakemm din il-problema ma tkunx solvuta tajjeb u n-nisa ma jkollhomx rappreżentanza ekonomika, soċjali u politika li, minħabba n-numru u l-kapaċitajiet tagħhom, għandhom dritt għaliha, il-problema tal-atti vjolenti li jitwettqu fuq in-nisa ser tkun diffiċli biex tiġi solvuta jew inkella ser tiġi solvuta bil-mod wisq. Minkejja li l-politiki pubbliċi kontra l-vjolenza sessista jaqdu rwol importanti, l-immaġni tradizzjonali tar-rwol tagħhom fis-soċjetà jista’ jinbidel biss meta n-nisa jkollhom l-istess aċċess għall-poter bħall-irġiel.

5.6

Il-mudelli ta’ identifikazzjoni skont il-ġeneru, li tul is-sekli rrendew virtujiet tan-nisa l-passività, l-abbandun u s-sottomissjoni, u bħala virtujiet tal-irġiel l-aggressività, il-forza u l-azzjoni, ikkontribwixxew biex jinħoloq kunċett ta’ relazzjoni affettiva li, tul is-sekli, poġġew lill-mara f’pożizzjoni ta’ inferjorità u dipendenza.

5.7

Relazzjoni bbażata fuq il-mudelli ta’ identità li jippreżupponu s-sottomissjoni ta’ element għal ieħor mhijiex aktar tollerabbli. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom jirriflettu dwar x’pożizzjoni jieħdu meta jiffaċċaw dawn il-mudelli. Din ir-riflessjoni għandha tibbaża fuq l-affermazzjoni tal-valuri tal-libertà, l-awtonomija u l-iżvilupp personali.

5.8

F’numru kbir ta’ “femminiċidju” (11), proporzjon kbir tal-vittmi kienu diġà rrappurtaw atti ta’ vjolenza jew theddid. Dan juri kemm hija importanti l-ħidma preventiva. F’wisq ħafna każijiet ma tittieħdet l-ebda miżura li tipproteġi lill-vittma kontra l-aggressur tagħha.

5.9

Il-ħidma ta’ prevenzjoni tista’, u għandha, tinkludi, fost oħrajn:

azzjoni terapewtika fuq l-aggressur, jew l-aggressur potenzjali. Mhux il-każ li nsibu skuża jew ċirkustanza attenwanti għall-att vjolenti, u lanqas li l-vittma tiġi esposta għal sitwazzjonijiet inkontrollabbli, iżda li jkun hemm ħidma tajba fuq il-kawżi u li jkun hemm tentattiv biex jinqabad l-aggressur, fatt li jkollu riżultati li jibbenefikaw lil kulħadd;

it-tnedija ta’ pjani ta’ azzjoni interministerjali għall-identifikazzjoni bikrija u l-protezzjoni mill-vjolenza domestika permezz ta’ sistema ta’ riferimenti u ta’ informazzjoni li taħdem fi ħdan is-servizzi tal-edukazzjoni, soċjali u tas-saħħa;

jiġu involuti b’mod attiv irġiel u subien fl-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

jiġu involuti b’mod attiv iż-żgħażagħ permezz ta’ kampanja edukattiva għal approċċ olistiku ta’ prevenzjoni u intervenzjoni bikrija u jingħata aktar taħriġ lill-professjonisti li jaħdmu mill-qrib maż-żgħażagħ;

jiġu monitorjati każijiet ta’ koppji separati minħabba l-vjolenza domestika, bil-għan li jiġu protetti nisa li qegħdin fir-riskju ta’ fastidju u insegwiment malizzjuż, li ta’ spiss iwasslu għall-mewt.

5.10

Is-servizzi speċjalizzati fil-protezzjoni tal-vittmi tal-vjolenza domestika għandhom jibbenefikaw minn persunal b’taħriġ speċifiku kif ukoll minn riżorsi li jiggarantixxu li l-miżuri adottati jistgħu jiġu implimentati, inkella dawn il-miżuri ma jkunux effettivi.

5.11

Huwa importanti li jinħolqu żoni multidixxiplinarji ta’ appoġġ sabiex in-nisa jiġu mismugħa, mifhuma u emmnuti. Fil-fenomenu tal-vjolenza domestika jinteraġixxu fatturi psikoloġiċi, kulturali u reliġjużi kif ukoll drawwiet li rabbew l-għeruq matul is-sekli. M’hemmx kawża unika waħda u ma tistax tiġi indirizzata esklużivament b’miżuri polizjeski jew penali. Appoġġ multidixxiplinarju kkoordinat li jevita li n-nisa jiġu esposti għal vjolenza ripetuta huwa element fundamentali fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa li għandhom diżabbiltà u lill-immigranti nisa, li huma l-aktar vulnerabbli. Dawn l-ispazji ta’ appoġġ għandhom jinkludu wkoll b’mod sistematiku l-vittmi indiretti tal-vjolenza, l-aktar it-tfal.

5.12

Huwa importanti li tinbidel il-paradigma tas-sigurtà li hija wisq marbuta mal-kriminalità organizzata, mat-terroriżmu, mal-attakki fuq il-persuni u l-oġġetti, mat-traffikar tad-drogi u kważi qatt mal-periklu li ħafna nisa jiffaċċjaw f’darhom jew fuq il-post tax-xogħol. Kieku fis-sigurtà ġew inkorporati aktar kriterji umanisti, bi prijorità fuq il-prevenzjoni, kienu jiġu salvati ħafna ħajjiet. It-teknoloġiji l-ġodda jistgħu joffru protezzjoni miżjuda, bħall-brazzuletti elettroniċi li jimpedixxu lil aggressur li ngħata l-libertà milli jersaq lejn il-vittmi tiegħu meta jkun fuq ordni ta’ trażżin.

5.13

L-istatistika dwar il-vjolenza domestika ma tiddeskrivix tajjeb il-fenomenu peress li ma tistax tqis id-dimensjoni reali tal-problema. Għal din ir-raġuni huwa importanti li l-kriterji għar-reġistrazzjoni tal-vjolenza domestika jiġu standardizzati sabiex id-data tkun tista’ titqabbel fil-livell Ewropew.

5.14

Il-gvernijiet għandhom jivvalorizzaw u jappoġġjaw, anke finanzjarjament, il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet tan-nisa, dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, it-trejdjunjins, eċċ.) mingħajr ma jaqgħu fit-tentazzjoni li jikkontrollawhom jew li jnaqqsulhom l-awtonomija tagħhom.

5.15

Qasam partikolarment importanti huwa dak tal-edukazzjoni. Din tista’ kemm tipperpetwa l-mudelli u l-prattiki diskriminatorji kif ukoll tkun attiva fit-trasformazzjoni tal-mentalitajiet u l-attitudnijiet individwali u kollettivi. L-iskola għandha tippromovi edukazzjoni mhux sessista u approċċ koedukattiv ibbażat fuq l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-opportunitajiet, biex jinkiseb l-iżvilupp sħiħ tal-persuna, ’il bogħod mill-isterjotipi u r-rwoli marbuta mas-sessi, filwaqt li tiġi rifjutata kull forma ta’ diskriminazzjoni li hija ta’ ħsara għan-nisa. L-iskola tista’ tkun mezz kif titkisser l-immaġni sterjotipata tar-rwol tal-mara u r-raġel kif sfruttata fil-mezzi tax-xandir, kif ukoll osservatorju eċċellenti tal-vjolenza domestika.

5.16

Sabiex l-iskola tkun tista’ tiżviluppa dan ir-rwol pożittiv, huwa essenzjali li t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema jinkludi wkoll il-vjolenza sessista, partikolarment dik domestika. Ir-reviżjoni perjodika tal-programmi u l-kotba għandha tkun prattika kostanti sabiex jitneħħa kwalunkwe tip ta’ lingwaġġ sessist.

5.17

Is-settur tas-saħħa wkoll huwa importanti ħafna. Bit-tqegħid tan-nisa u l-adoloxxenti fil-qalba tal-istrateġiji tas-saħħa huwa possibbli li tissaħħaħ il-konvinzjoni li l-vjolenza fuq in-nisa fil-kuntest domestiku huwa varjant tar-riskju u mhux problema iżolata.

5.18

Huwa neċessarju li titwettaq reviżjoni perjodika u sistematika tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u notifikazzjoni, b’tali mod li jiġu evitati skemi fejn il-professjonisti jkollhom jerfgħu l-piżijiet amministrattivi, u skemi li la huma flessibbli u lanqas sostenibbli. Dawn il-proċeduri għandhom joffru l-possibbiltà li l-problemi tas-saħħa jiġu reġistrati bħala varjant tar-riskju (pereżempju fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet tal-ippjanar familjali jew tat-tqala) u li jkun hemm divrenzjar ċar bejn il-bżonnijiet urbani u dawk rurali.

5.19

Fis-setturi kollha marbutin mal-problema tal-vjolenza sessista, huwa importanti li jiġi assigurat li s-sensibilizazzjoni u t-taħriġ huma effikaċi u adattati għar-realtà permezz tal-mezzi u r-riżorsi neċessarji. Hemm bżonn ukoll li regolarment ikun hemm stampa ċara tas-sitwazzjoni sabiex l-informazzjoni disponibbli tkun konformi mar-realtà.

5.20

Fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ, huwa importanti li jkun hemm distinzjoni bejn is-sensibilizzazzjoni (immirata lejn il-persunal kollu li jaħdem f’organizzazzjoni), it-taħriġ (li jingħata lil dawk kollha li jiġu f’kuntatt mal-vittmi u li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jindunaw bi problema) u t-taħriġ speċifiku (li għandu jkollhom dawk kollha li jassistu lill-vittmi). Għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-taħriġ tal-aġenti tal-pulizija u l-imħallfin minħabba r-rwol li għandhom meta jirċievu lment u fl-għoti tas-sentenza kontra l-aggressur. L-azzjoni tagħhom tista’ tgħin biex esperjenza trawmatika tinbidel f’tama ġdida. Jeħtieġ ukoll li l-istituzzjonijiet penitenzjarji jiżviluppaw programmi interni għan-nisa vittmi tal-vjolenza sessista u għall-irġiel li huma responsabbli għal dawn ir-reati, kif ukoll li l-persunal tal-ħabs fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni jsir aktar konxji dwar din il-kwistjoni.

5.21

Fl-aħħar, jekk il-problema tal-vjolenza domestika fuq in-nisa tiġi indirizzata bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dan iżid ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-eradikazzjoni u l-penalizzazzjoni ta’ dan it-tip ta’ vjolenza kif ukoll l-obbligu li jkunu responsabbli dwar kif dawn l-obbligazzjonijiet jiġu rispettati.

5.22

Il-fatt li l-vjolenza sessista tintrabat mad-drittijiet tal-bniedem jippermetti li jkun hemm aċċess għal numru kbir ta’ mekkaniżmi sabiex l-Istati Membri jinżammu responsabbli fil-livell internazzjonali u reġjonali, mill-korpi tat-Trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-tribunali penali internazzjonali, sas-Sistemi Reġjonali Ewropej tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – mekkaniżmu tal-Kunsill tal-Ewropa).

5.23

Jekk il-vjolenza fuq in-nisa tiġi indirizzata bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dan iwassalna għal risposta globali u multisettorjali li żżid id-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem mal-isforzi li jitwettqu mis-setturi kollha. Dan jisfurzana nsaħħu u naċċelleraw l-inizjattivi fl-oqsma kollha għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, inklużi fil-qrati, fil-qasam tas-saħħa, fil-kuntest tal-politiki ta’ żvilupp lokali u reġjonali, fl-għajnuna umanitarja, eċċ.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE 416/2006, GU C 110, 9.5.2006, p. 89-94. (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010.

(3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/16173cor.en08.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  WHO Multi-Country Study on Women’s Health and Domestic Violence Against Women: Initial Results on Prevalence, Health Outcomes and Women’s Responses (L-Istudju tal-WHO f’diversi pajjiżi dwar is-saħħa tan-nisa u l-vjolenza domestika fuq in-nisa: ir-riżultati inizjali dwar il-prevalenza, ir-riżultati tas-saħħa u r-risposti tan-nisa) (Ġinevra, WHO, 2005).

(5)  Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa adottata fil-11 ta’ Mejju 2011 f’Istanbul (it-Turkija) (www.coe.int/conventionviolence).

(6)  L-Albanija, il-Ġermanja, l-Awstrija, Spanja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Islanda, il-Lussemburgu, Dik Li Qabel Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Malta, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Portugall, ir-Renju Unit, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja u l-Ukraina.

(7)  It-Turkija.

(8)  Barometru 2011, “National Action Plan on Violence against Women in the EU” (Pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra l-vjolenza fuq in-nisa) European Women’s Lobby, Awwissu 2011 (www.womenlobby.org).

(9)  http://www.igualdad.us.es/pdf/Docuemta_Otros_Cumbre.pdf.

(10)  Ara r-rapport “Il-ġlieda kontra r-reati tal-unur fl-Ewropea”, ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Jum Dinji tal-Mara, mill-Fondazzjoni Surgir (istituzzjoni bla skop ta’ profitt bis-sede tagħha fl-Isvizzera).

(11)  Skont id-definizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-“femminiċidju” huwa l-mewt ta’ mara għax hija mara. Il-“femminiċidju” jitqies bħala l-vjolenza kontinwa fuq mara fi ħdan jew barra ċ-ċirku tal-familja, li jwassal għall-qtil tagħha. Ir-riċerki dwar il-fenomenu tal-“femminiċidju” li saru f’diversi pajjiżi juru li dawn ir-reati huma l-aktar frekwenti fil-kuntest privat, fir-relazzjonijiet intimi.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/06

Relatur: is-Sur MORENO PRECIADO

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-korruzzjoni hija problema mifruxa madwar id-dinja kollha u qed tkun ta’ ħsara kbira għaċ-ċittadini. Fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, hi kienet fost il-fatturi li kkawżaw l-irvellijiet reċenti magħrufin bħala r-“Rebbiegħa Għarbija”. Is-soċjetà ċivili, li kienet il-veru xprun tagħhom, ikkundannat bil-qawwa l-korruzzjoni.

1.2   F’bosta pajjiżi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija waħda mill-isfidi ewlenin, u fl-istess ħin tintuża biex jitkejjel il-livell ta’ trasparenza u kwalità tal-governanza l-ġdida fl-istituzzjonijiet leġislattivi u governattivi kif ukoll fis-servizzi pubbliċi.

1.3   Il-liġijiet u l-korpi li ġew stabbiliti f’ċerti pajjiżi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandhom jiġu estiżi u msaħħa. L-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet ċivili u soċjali, rappreżentattivi u indipendenti, hija essenzjali għall-kontroll min-naħa taċ-ċittadini tas-sistemi ta’ governanza.

1.4   Il-bidliet politiċi demokratiċi qed iħeġġu riformi pożittivi li għandhom jiġu approfonditi. Minbarra r-riformi istituzzjonali, hemm bżonn li tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-servizzi pubbliċi, bħat-trasport u x-xogħlijiet pubbliċi, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ħabsijiet, eċċ. Jeħtieġ li jiġi evitat li r-riżorsi jkunu ffokati fuq is-sigurtà biss, għad-detriment tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

1.5   Fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), l-UE tintrabat li tikkunsidra jekk il-valuri demokratiċi humiex verament rispettati sabiex taġġusta l-livell tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ġirien. Il-KESE jitlob lill-UE biex il-Pjani ta’ Azzjoni jkunu konformi ma’ dawn il-linji gwida. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħtu eżempju etiku fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdanhom u fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi msieħba.

1.6   Il-KESE jitlob lill-UE biex timpenja ruħha, b’mod partikolari, li tirrikjedi li l-imsieħba tagħha jirrispettaw il-pluraliżmu ideoloġiku u reliġjuż, il-libertà tal-istampa, l-indipendenza ġudizzjarja, l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u għall-irġiel u l-libertà ta’ assoċjazzjoni.

1.7   Il-KESE jemmen li għandhom jitwettqu wkoll il-prijoritajiet tal-PEV rigward il-kooperazzjoni fil-migrazzjoni, l-asil, il-politiki dwar il-viżi, il-miżuri kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi u l-armi, il-ħasil tal-flus u r-reati finanzjarji u ekonomiċi. Il-Pjani ta’ Azzjoni għandhom jappoġġjaw ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja u dik tal-ħabsijiet kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja.

1.8   Bl-istess mod, il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lill-fatt li l-pajjiżi Ewro-Mediterranji verament japplikaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li jiddefinixxu x-“xogħol deċenti”.

1.9   Il-KESE jimpenja ruħu li jkompli jappoġġja lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u jemmen li hemm bżonn li l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba, bl-appoġġ tal-UE, jimplimentaw programmi ta’ taħriġ biex jistimolaw il-ħolqien u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet ċivili u soċjali. Għandhom jiġu appoġġjati b’mod partikolari l-promozzjoni tad-djalogu soċjali bejn min iħaddem u l-ħaddiema kif ukoll ir-rwol tan-nisa fil-ħajja ekonomika u fin-negozju.

2.   Il-korruzzjoni: ostaklu għall-iżvilupp u l-ġustizzja

2.1   Dan id-dokument jiffoka fuq il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, iżda għandu jingħad li l-korruzzjoni politika u amministrattiva hija mifruxa fil-kontinenti kollha (inkluż fil-pajjiżi tal-UE), kif jikkonfermaw diversi aġenziji u organizzazzjonijiet prestiġjużi u kif jidher ta’ kuljum fil-mezzi tax-xandir.

2.2   Il-KESE jista’ u għandu jgħin lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-Nofsinhar tal-Mediterran li bħalissa jinsabu fil-fażi li jsaħħu lilhom innifishom, billi joffrilhom l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu. Bis-saħħa tal-mekkaniżmi bilaterali ta’ assoċjazzjoni u permezz tal-istrumenti tal-PEV u tal-Unjoni għall-Mediterran, l-Unjoni Ewropea wkoll għandha tikkontribwixxi b’mod effikaċi biex tiżgura li l-prinċipji demokratiċi stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona tal-1995 jiġu applikati fil-prattika.

2.3   L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet ċivili tar-reġjun Mediterranju jistgħu jaqdu rwol deċiżiv biex jiggarantixxu li t-trasparenza u l-prattiki ta’ governanza tajba jkunu l-karatteristiċi tal-istadju l-ġdid tad-demokratizzazzjoni.

2.4   Il-korruzzjoni, fis-sens tal-governanza illegali, prekarja u abbużiva fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, żviluppat f’pajjiżi differenti, speċjalment f’dawk fejn l-indiċi tal-faqar huwa akbar, iżda hija aktar gravi fil-pajjiżi b’reġim dittatorjali.

2.4.1   L-akkumulazzjoni tal-privileġġi ekonomiċi mill-“élites” fil-gvern, in-nepotiżmu, it-tixħim, l-approprjazzjoni diretta tal-proprjetajiet tal-Istat u t-twarrib ta’ parti minnhom f’kontijiet u investimenti privati huma wħud mill-abbużi li matul għexieren ta’ snin ikkaratterizzaw it-tmexxija politika tad-dittaturi li waqgħu dan l-aħħar u ta’ mexxejja oħra li għadhom fil-poter.

Flimkien mal-korruzzjoni sistematika, li hi dik li tiġi indirizzata l-aktar f’dan id-dokument, fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran żviluppaw ukoll prattiki korrotti f’ċerti setturi privati jew fi ħdan gruppi ta’ individwi. Uħud minnhom jaqgħu taħt il-kriminalità ordinarja, bħal ngħidu aħna n-netwerks tal-mafja li għandhom it-tendenza li, bl-użu tal-korruzzjoni u l-vjolenza, jifformaw soċjetà parallela għal dik istituzzjonali.

2.4.2   Il-korruzzjoni hija mifruxa ħafna fid-dinja, kif juri l-istudju annwali tal-organizzazzjoni Transparency International (TI) (1) li jikklassifika lil 183 pajjiż fuq skala ta’ punti bejn 0 (korrott ħafna) u 10 (trasparenti ħafna). Aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi kklassifikati kisbu inqas minn 5 punti. Il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq jinsabu fil-parti bejn in-nofs u isfel jew fil-parti t’isfel tal-lista.

2.5   L-effikaċja tal-liġijiet kontra l-korruzzjoni li jeżistu f’xi pajjiżi ġiet imxekkla mill-prattiki ta’ tixħim u ta’ kontroll politiku tal-istess pajjiżi. L-impatt tal-bidliet politiċi reċenti għadu ma jistax jiġi evalwat, però diġà jidher f’ċerti każijiet.

2.6   Il-problema tal-korruzzjoni pubblika hija mifruxa f’oqsma pubbliċi u privati differenti tal-ħajja fil-pajjiżi, u dan jaffettwa l-kwalità ta’ ħajjet in-nies u jwassal għat-telf tad-drittijiet, id-diskriminazzjoni kontra gruppi partikolari u t-tnaqqis tar-riżorsi minħabba t-tixħim jew it-tiċħid ta’ aċċess leġittimu għall-impjiegi, l-informazzjoni jew ir-rappreżentanza.

2.7   Barra minn hekk, fis-settur pubbliku wieħed jista’ josserva n-nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-amministrazzjonijiet u l-partiti politiċi rigward il-fondi pubbliċi, l-opaċità tal-kontijiet tal-intrapriżi, l-ostakli għall-ħidma ta’ investigazzjoni mwettqa mill-mezzi tax-xandir u l-prattika tat-tixħim tal-uffiċjali ġudizzjarji jew amministrattivi.

2.7.1   L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) osserva li n-nuqqas ta’ riżorsi tal-amministrazzjoni ġudizzjarja (u l-użu ħażin jew il-miżapproprjazzjoni tagħhom) huwa fattur negattiv li jimpedixxi l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ dinjità fil-ħabsijiet u li jgħin biex tiżdied il-kriminalità.

3.   Il-korruzzjoni: problema mifruxa sew fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran

3.1   Fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran il-korruzzjoni saret atteġġjament normali u ċerti atti korrotti jitwettqu mingħajr inkwiet ta’ xejn u kważi fil-beraħ. Il-korruzzjoni taffettwa lis-soċjetà kollha, inkluża l-ħajja ekonomika u soċjali; hi żdiedet u qed trabbi l-għeruq fl-użanzi u d-drawwiet.

3.2   Skont studji li wettqu, b’mod partikolari minn NGOs differenti, il-perċezzjoni tal-korruzzjoni min-naħa tal-popli tal-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran hija għolja ħafna.

3.2.1   Ġew identifikati tliet tipi ta’ korruzzjoni skont il-livell ta’ kundanna mis-soċjetà:

a)

dik li tikkonċerna atti kkundannati minn kulħadd;

b)

dik li tikkonċerna atti kkundannati biss minn parti tal-popolazzjoni;

c)

dik li tikkonċerna prattiki tollerati ħafna mill-popolazzjoni.

3.2.2   L-ewwel wieħed fost l-aktar setturi korrotti huwa ċ-Ċivil u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika.

3.2.3   Is-settur tas-saħħa huwa wieħed mis-setturi fejn in-nies jirrikorru l-aktar għall-korruzzjoni. Ħafna drabi n-nies isibu ruħhom fid-dilemma li jew “iħallsu” jew inkella ma jibbenefikawx mill-kura meħtieġa, minkejja li dan hu servizz pubbliku.

3.2.4   Fis-settur tal-ġustizzja, li huwa vitali għas-soċjetà u l-ekonomija, il-korruzzjoni taffettwa lin-nies tal-pajjiż kif ukoll lill-investituri barranin. F’bosta pajjiżi l-korruzzjoni tas-sistema ġudizzjarja xxekkel l-investiment dirett barrani.

3.2.5   Fiċ-Ċivil issir ħafna korruzzjoni. Hawnhekk jiġu stabbiliti sistemi li jagħtu aċċess għall-impjiegi fiċ-Ċivil lil persuni li ma jkollhomx il-kapaċitajiet biex jgħaddu mill-eżamijiet kompetittivi.

3.3   Tipi oħra ta’ korruzzjoni

3.3.1   Il-korruzzjoni “okkażjonali” jew il-korruzzjoni skont is-servizz mixtieq: din hija l-korruzzjoni fejn l-utent – persuna fiżika jew persuna ġuridika – ikun obbligat iħallas sabiex jikseb servizz. Il-“korruzzjoni żgħira”, kultant tollerata, ukoll tagħmel il-ħsara lis-soċjetà.

3.3.2   Il-korruzzjoni tal-“massa”: din hija l-korruzzjoni fejn xejn ma jintalab b’mod formali. Dawk li jipprattikawha jafu li r-rigali jew ċerti favuri jistgħu jiffaċilitawlhom il-kuntatti u l-aċċess għal servizz partikolari.

3.3.3   Il-korruzzjoni “istituzzjonalizzata”: din hija korruzzjoni kontinwa li rabbiet l-għeruq u li prattikament kulħadd jaf biha. L-utent ikun konxju u jkun jaf minn qabel il-prezz li jrid iħallas biex jikseb servizz.

3.3.4   Il-korruzzjoni “negozjata”: din titwettaq f’ċerti kwistjonijiet ġudizzjarji jew ekonomiċi, pereżempju fl-akkwisti pubbliċi jew fil-qbil informali dwar kwistjonijiet fiskali.

3.3.5   Il-korruzzjoni tal-“fait accompli”: dawk li jkollhom proġetti ekonomiċi sikwit jisfaw vittmi ta’ dan it-tip ta’ korruzzjoni. Meta jaslu f’ċertu stadju tal-proġett tagħhom, huma jkunu obbligati jħallsu sabiex ikomplu jiżviluppaw il-proġett. Dan it-tip ta’ korruzzjoni jolqot ukoll lill-investituri barranin li jkollhom iħallsu jew, f’ċerti każijiet, jissieħbu ma’ “dinjitarju” sabiex jissoktaw bin-negozju tagħhom.

3.3.6   L-intraprendituri jikkunsidraw li l-korruzzjoni hija fost l-ostakli prinċipali għall-iżvilupp tan-negozju fin-Nofsinhar tal-Mediterran. F’diversi pajjiżi, ftit intrapriżi jipparteċipaw fis-sejħiet għall-offerti tal-awtoritajiet pubbliċi minkejja li d-domanda hija kbira ħafna. L-intrapriżi jemmnu li, fil-maġġoranza tal-każijiet, ikun diġà ġie deċiż minn qabel lil min se jingħata l-kuntratt.

3.3.7   Il-korruzzjoni b’“servizz għal servizz ieħor”: din mhix korruzzjoni bil-flus kontanti, iżda korruzzjoni fejn il-kumpens jingħata permezz ta’ servizz jew privileġġ.

3.3.8   Il-korruzzjoni “ġerarkika”: f’ċerti servizzi l-korruzzjoni hija organizzata fil-forma ta’ piramida. Kull livell tal-piramida ġerarkika, sa mill-aktar livell baxx, irid jagħti “sehmu fil-korruzzjoni” u dan is-sehem jiżdied mal-livelli tal-ġerarkija sa fuq nett tal-piramida. B’mod ġenerali, f’dan it-tip ta’ servizzi, il-ħatra f’post tkun tista’ tinbiegħ għal ammont li jiddependi mill-valur stmat tas-“sehem fil-korruzzjoni”.

3.3.9   Il-korruzzjoni “pjanata fuq perjodu medju u twil ta’ żmien”: din hija tip ta’ inġinerija tal-korruzzjoni. F’pajjiż, persuna tista’ tinħatar għal post ta’ livell għoli jew għoli ħafna bil-għan li tistabbilixxi pjan ta’ arrikkiment personali bbażat fuq il-korruzzjoni. Dan isir billi l-persuna ddawwar il-politika pubblika favur l-interessi esklużivi ta’ persuna jew grupp ta’ persuni.

3.3.10   Il-korruzzjoni tal-“partiti politiċi”: fi żmien l-elezzjonijiet, f’bosta pajjiżi l-voti jinxtraw. Għal ħafna nies, speċjalment fl-inħawi foqra, il-kampanji elettorali huma żmien meta jagħmlu ħafna flus.

3.3.11   Il-korruzzjoni teżisti wkoll fis-settur privat. Hemm it-tendenza li meta nitkellmu dwar il-korruzzjoni jissemma biss is-servizz pubbliku, però dan il-fenomenu jeżisti wkoll fil-privat. Fil-kliniki, pereżempju, ċerti favuri tal-persunal jiġu kkumpensati bi ħlas skont il-livell ta’ responsabbiltà. Fl-intrapriżi privati, il-korruzzjoni ssir fir-reklutaġġ.

3.4   Is-soċjetajiet tan-Nofsinhar tal-Mediterran mhux qegħdin b’idejhom fuq żaqqhom fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni:

huma konxji li l-korruzzjoni mhix “ħażen neċessarju” u li fid-dinja jeżistu pajjiżi u sistemi li joperaw mingħajrha;

qed jibdew jiżviluppaw assoċjazzjonijiet li mhux biss jikkundannaw il-korruzzjoni iżda jispjegaw ukoll liċ-ċittadini l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha;

diversi pajjiżi qabdu t-triq li jadottaw leġislazzjoni ġdida li tikkunsidra l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

in-nies qed isiru konxji mill-ħtieġa li jiġi żviluppat stat tad-dritt bħala parti mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-privileġġi;

qed jiġu eletti rappreżentanti, fosthom tal-minoranzi, li jinkludu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-aġenda politika;

qed jinqatgħu sentenzi simboliċi kontra persuni li jinsabu ħatja tal-korruzzjoni;

f’diversi pajjiżi qed jinħolqu korpi għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

4.   Il-korruzzjoni: xprun tal-irvell ċiviku u sfida għall-proċess ta’ demokratizzazzjoni Għarbija

4.1   Il-Konferenza tal-Istati Parteċipanti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Korruzzjoni (Marrakech, 24-28 ta’ Ottubru 2011) stqarret li l-hekk imsejħa “Rebbiegħa Għarbija” esprimiet ċaħda ċara tal-korruzzjoni u tirrappreżenta appell bil-ħerqa għall-integrità u d-demokrazija.

4.2   Il-moviment ta’ demokratizzazzjoni għadu ma laħaqx il-pajjiżi Għarab kollha, u lanqas m’għadu kkonsolida ruħu fil-pajjiżi fejn waqa’ l-gvern awtoritarju. Iżda l-introduzzjoni rapida tal-pluraliżmu politiku giddbet il-perċezzjoni komuni fil-pajjiżi tal-Punent li l-popli Għarab ma jridux id-demokrazija, jew li għadhom mhumiex lesti biex jeżerċitawha. Is-soċjetajiet ċivili huma attivi kważi f’dawn il-pajjiżi kollha, billi jieħdu sehem fil-proċessi ta’ tranżizzjoni jew billi jesiġu l-introduzzjoni ta’ dawn il-bidliet.

4.3   Minkejja d-daqs u d-diversità tad-dinja Għarbija, l-elementi komuni f’dik li hi lingwa, politika u kultura għenu biex il-moviment ta’ demokratizzazzjoni, li nibet fit-Tuneżija lejn tmiem l-2010 u ssokta mill-ewwel fl-Eġittu, jinfirex fir-reġjun kollu.

4.4   Dawn il-proċessi ta’ tibdil ma ħadux l-istess xejra u ma pproduċewx l-istess effetti. F’diversi pajjiżi saru elezzjonijiet pluralisti għall-ewwel darba u ġew ifformati gvernijiet ibbażati fuq ix-xewqa tal-poplu, u b’hekk saret bidla politika profonda. F’pajjiżi oħra l-protesti paċifiċi wasslu għal riformi politiki kbar mingħajr ma nbidel ir-reġim. Fis-Sirja, ir-reġim dittatorjali qed ikompli bir-repressjoni vjolenta kontra dawk li jopponuh u bosta nies qed jisfaw vittmi.

4.5   B’mod simili, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li kienu l-protagonisti tal-mobilizzazzjoni tas-soċjetajiet, qed jipprovaw jorganizzaw ruħhom mill-ġdid u jibbenefikaw mill-prospetti jew wegħdiet ġodda ta’ tibdil.

4.5.1   Il-Libja, pereżempju, fejn is-sistema politika nbidlet għalkollox, inħolqu organizzazzjonijiet bħall-Għaqda tal-Ħaddiema tal-Libja Ħielsa, li hija federazzjoni trejdjunjonistika indipendenti li tissostitwixxi l-istruttura uffiċjali tat-trejdjunjins tar-reġim ta’ Gaddafi. Bl-istess mod, fl-Eġittu, il-monopolju trejdjunjonistiku tal-ETUF inkiser bis-saħħa tal-ħolqien ta’ konfederazzjonijiet ġodda bħall-EFITU u l-EDLC.

4.6   Qabel it-twelid tal-movimenti ta’ demokratizzazzjoni, il-KESE kien diġà indika li fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran il-libertà ta’ assoċjazzjoni mhix garantita u li l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili huwa mxekkel minn ostakli politiċi u amministrattivi.

4.6.1   Għandu jiġi żgurat li jitneħħew il-kontradizzjonijiet tal-passat bejn ir-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati mill-gvernijiet u l-liġijiet nazzjonali li fil-verità jirrestrinġuhom jew jimpedixxuhom.

5.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili inġenerali fil-proċessi ta’ demokratizzazzjoni u fis-sistemi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni

5.1   Id-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili (Istanbul, 16-18 ta’ Novembru 2011) tinnota l-bżonn li jiġi promoss u kkonsolidat il-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran bis-saħħa tal-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet governattivi, il-ħolqien ta’ korpi ġudizzjarji indipendenti, l-appoġġ għal-libertà tal-mezzi tax-xandir u ż-żieda fl-isforzi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

5.2   Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-ħolqien tal-assoċjazzjonijiet u, fuq kollox, għandha tieqaf il-prattika korrotta li l-pożizzjonijiet ta’ tmexxija tal-assoċjazzjonijiet jingħataw lil persuni qrib il-gvern bil-għan li jitnaqqas l-effett tal-funzjoni rappreżentattiva tagħhom.

5.3   Huwa importanti immens li jiġi promoss in-negozjar kollettiv fil-qafas tad-djalogu soċjali bejn min iħaddem u l-ħaddiema.

S’issa għadha ma ġietx ikkonsolidata l-implimentazzjoni reali, li tmur lil hinn mis-sempliċi ratifika (għalkemm din hi importanti) tal-konvenzjonijiet tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti, li għandhom jagħmlu parti mill-impenji tal-gvernijiet, u mill-qbil bejn il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

5.4   L-istituzzjonijiet konsultattivi bħal dawk li jeżistu diġà f’diversi pajjiżi huma bżonjużi ħafna biex iwasslu l-proposti konġunti tal-assoċjazzjonijiet indipendenti u rappreżentattivi.

5.5   F’diversi pajjiżi nħolqu mezzi istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, bħall-Korp Ċentrali għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni fil-Marokk, li nħoloq fl-2007 u fih tipparteċipa s-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, tal-utenti, tal-bdiewa, ta’ min iħaddem, tan-nisa, tat-trejdjunjins u ta’ setturi u komunitajiet ikkonċernati oħra għandhom jipparteċipaw ukoll fil-korpi ta’ kontroll tas-saħħa, tal-prezzijiet, tal-ġestjoni tal-ilma, tal-immigrazzjoni, tas-servizzi soċjali, eċċ.

5.6   B’mod ġenerali, l-atturi soċjali u ċivili (trejdjunjins, min iħaddem, assoċjazzjonijiet, NGOs) jaqdu rwol fundamentali, b’mod partikolari b’rabta mal-organizzazzjonijiet indipendenti li f’ħafna każijiet għadhom fil-fażi inizjali.

5.7   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali (2) fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jvarja skont il-pajjiż. L-involviment tagħhom jieħu xejriet differenti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tar-reġjun Ewro-Mediterranju.

5.8   F’ċerti pajjiżi ġew żviluppati programmi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni. Għaldaqstant, issa jeħtieġ li jiġu promossi u appoġġjati l-programmi fuq skala kbira li jsaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Corruption Perceptions Index 2011 (Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2011), ippubblikat fl-2011.

(2)  Fil-qafas tal-Forum tad-Djalogu Soċjali jeżisti ftehim fil-prinċipju dwar kampanja bl-isem “L-imsieħba soċjali kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba”.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali u l-prevenzjoni tal-problemi marbutin magħhom” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/07

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali u l-prevenzjoni tal-problemi marbutin magħhom.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 voti favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Minħabba l-impatt tan-netwerks soċjali fil-livell individwali u dak tas-soċjetà, u l-iżvilupp futur u l-konsegwenzi tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jipprijoritizzaw l-adozzjoni ta’ miżuri sopranazzjonali vinkolanti u fakultattivi, li jwasslu għall-awtoregolazzjoni jew, preferebbilment, għall-koregolazzjoni, b’konformità mal-Aġenda Diġitali, bil-għan li jrawmu użu responsabbli u intelliġenti fi ħdan suq uniku diġitali dinamiku u jilqgħu kontra l-problemi marbutin magħhom u r-riskji li jġibu magħhom. Fil-fehma tal-KESE, is-sitwazzjoni ideali tkun l-introduzzjoni ta’ “liġijiet mudell” li jipprovdu regolazzjoni globali. Iżda, sakemm dan ma jkunx possibbli, għandha tiġi adottata soluzzjoni fil-livell tal-Unjoni.

1.2

Jekk jiġu adottati miżuri li jwasslu għall-awtoregolazzjoni jew għall-koregolazzjoni, dawn għandhom ikunu temporanji u l-applikazzjoni tagħhom trid tiġi vvalutata b’mod regolari, u f’każ li ma jiġux applikati, għandhom jiġu adottati miżuri vinkolanti.

1.3

F’termini konkreti, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji edukattivi fil-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali, preferibbilment għall-iżjed gruppi vulnerabbli, sabiex twaqqaf jew ittaffi l-effetti mhux mixtieqa meta n-netwerks soċjali jintużaw b’mod mhux xieraq. Għandu wkoll ikun hemm taħriġ speċifiku dwar is-superviżjoni u l-medjazzjoni min-naħa tal-ġenituri biex isaħħu l-punti ta’ rappurtar ta’ kontenut illegali onlajn (hotlines) sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw ukoll dan l-użu mhux xieraq tan-netwerks.

1.4

Sabiex jissaħħu dawn l-inizjattivi, it-tixrid tal-prattiki tajbin fost il-provvedituri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom irid jiġi kkombinat mal-kontroll tar-reklamar jew il-monitoraġġ tal-aċċess bikri ħafna minn età żgħira ħafna, li flimkien jistgħu jgħinu biex titneħħa l-perċezzjoni negattiva tan-netwerks soċjali u, fl-istess ħin, jiġbdu l-attenzjoni għall-opportunitajiet u s-sinerġiji potenzjali tagħhom. Jeżistu wkoll fenomeni ta’ vizzju tan-netwerks soċjali li jeħtieġ li l-utenti jiġu informati dwarhom, u għandhom jiġu mwissija bihom ukoll il-ġenituri tal-adoloxxenti żgħar li jinsabu l-aktar fir-riskju.

1.5

Għandu jiġi promoss id-dritt għall-privatezza fil-konfront ta’ndħil fil-ħajja privata tal-persuni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari tan-netwerks soċjali, permezz ta’ regolazzjoni adottata mill-imsieħba soċjali fil-ftehimiet rilevanti.

1.6

Fl-aħħar nett, il-KESE jtenni (1) li qed jistenna l-pubblikazzjoni ta’ Kodiċi tad-Drittijiet Onlajn tal-UE li tiġbor fil-qosor id-drittijiet tal-utenti diġitali eżistenti fl-UE b’mod ċar u aċċessibbli u tiffoka fuq il-promozzjoni tal-użu responsabbli tan-netwerks, il-prevenzjoni tal-problemi relatati u t-tneħħija tal-prattiki li huma kkunsidrati inġusti jew dannużi, b’mod partikolari rigward reklamar iperkontestwalizzat.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha tliet għanijiet:

a)

tibni fuq l-istudji, il-Komunikazzjonijiet (Komunikazzjoni dwar “In-netwerks soċjali u l-internet” (SEC(2008) 2507)(SEC(2008) 2516) (mhux disponibbli bil-Malti) u l-Opinjonijiet (2) preċedenti;

b)

tixħet dawl fuq il-ftehim ta’ awtoregolazzjoni dwar “Prinċipji tal-UE għal netwerks soċjali iżjed siguri” (10 ta’ Frar 2009);

c)

tipproponi miżuri li jistgħu jittieħdu fil-qafas tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010) 245 final/2).

2.2

It-tkabbir f’dawn l-aħħar snin tas-soċjetà diġitali inġenerali u t-tkabbir kontinwu iżjed speċifiku tal-komunitajiet virtwali enfasizzaw il-bżonn li jiġu adottati politiki għall-promozzjoni tal-użu responsabbli tan-netwerks soċjali, kif ukoll politiki ta’ prevenzjoni u protezzjoni fil-konfront tar-riskji u l-problemi relatati.

2.3

L-iżvilupp kontinwu u d-dimensjoni spazjali tan-netwerks soċjali sa mill-bidu nett tal-ħolqien tagħhom jobbligawna nirridefinixxu b’mod kontinwu l-kunċett u, minħabba f’hekk, il-mod kif nittrattawhom. Madankollu, nistgħu naqblu dwar għadd ta’ karatteristiċi bażiċi u prinċipali sabiex nidentifikaw l-oqsma rilevanti ta’ azzjoni.

2.4

F’dan il-kuntest, nistgħu nikkunsidraw li n-netwerks soċjali, bħala forom ta’ interazzjoni soċjali volontarja f’sitwazzjoni kumplessa, irabbu għeruq sodi permezz ta’ skambju dinamiku f’sistema miftuħa ta’ feedback pożittiv.

2.5

Għaldaqstant, id-diversità tat-tipi u l-użijiet tan-netwerks soċjali, kif ukoll tal-utenti tagħhom u tal-kontenut, wasslu għal proċess emerġenti u kontinwu li jfisser li jiġu stabbiliti regoli preċiżi dwar kif jaħdmu. Għalhekk, ikun utli li ssir ħidma fil-post b’mod regolari dwar din il-kwistjoni u li tinġabar informazzjoni dwar is-sħubija tal-utenti f’netwerk speċifiku wieħed jew iżjed, li sservi wkoll ta’ gwida għal regoli teknoloġikament newtri li huma meħtieġa fi proċess ta’ flessibbiltà li jista’ jiġi adattat għall-qasam inkwistjoni.

2.6

Barra minn hekk, il-miżuri rakkomandati f’din l-Opinjoni jikkontribwixxu għall-għan tal-UE ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010) 2020). Għalhekk, jeħtieġ li, fil-kunċett tan-netwerks soċjali, ninkorporaw is-soċjetà tal-informazzjoni, il-crowdsourcing, il-promozzjoni ta’ utenti iżjed attivi u responsabbli, u suq virtwali effiċjenti, jew l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni u l-integrazzjoni soċjali.

2.7

Madankollu, mhux biss jeħtieġ li ntejbu l-infrastruttura biex niżguraw aċċess rapidu, sigur u mingħajr diskriminazzjoni, li ma jeskludi lil ħadd, billi tiġi promossa ċittadinanza diġitali responsabbli, iżda jeħtieġ ukoll li niggarantixxu l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet taċ-ċittadini fl-ambjent diġitali (libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, rekwiżiti ta’ trasparenza u servizzi tal-internet funzjonali u tat-telefown universali u kwalità minima ta’ servizz) (COM(2010) 245 final/2).

2.8

Il-privatezza hija aspett kruċjali tal-użu tan-netwerks soċjali. Il-KESE diġà ressaq il-fehmiet tiegħu dwar il-Proposta għal Regolament dwar id-dejta personali, u stqarr b’mod ċar l-appoġġ tiegħu għad-“dritt li wieħed jintnesa” u l-preservazzjoni tal-privatezza b’mod awtomatiku, jiġifieri li l-kunsens ma jingħatax b’mod impliċitu, iżda għandu dejjem jingħata espressament jew espliċitament.

2.9

Għandhom jiġu stabbiliti awtomatikament standards ta’ sigurtà u privatezza għall-magni tat-tiftix fuq l-internet, sabiex jiġi żgurat li l-profili tagħhom ma jiġux indiċizzati u li tiġi protetta d-data partikolarment sensittiva.

2.10

Barra minn hekk, is-suq f’dan is-settur għandu jkun ġestit aħjar, kemm rigward l-integrazzjoni tal-fornituri, kif ukoll rigward il-konformità ma’ miżuri konkreti u vinkolanti relatati mal-prattiki tagħhom, inklużi dawk relatati mal-kontroll tar-reklamar, l-użu tad-data disponibbli jew il-ġenerazzjoni ta’ opportunitajiet kummerċjali relatati (pereżempju, polzi ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji marbutin mad-drittijiet tal-utenti tan-netwerks soċjali).

2.11

Madankollu, f’kuntest ta’ responsabbiltà kondiviża, l-utenti għandhom josservaw l-istruzzjonijiet u l-linji gwida promossi mill-istituzzjonijiet rilevanti għal użu intelliġenti u responsabbli tan-netwerks soċjali (“ir-responsabbiltà soċjali tal-utenti”). Dan jagħmilha possibbli li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli u jissaħħu l-vantaġġi relatati mat-tixrid tal-informazzjoni u t-trasparenza f’kuntest kooperattiv ta’ tagħlim u arrikkament multikulturali, lil hinn bil-bosta mill-għanijiet ta’ kull netwerk. Iżda, xi kultant il-legalità tiġi stabbilita abbażi t-twemmin żbaljat li l-utenti huma infurmati u konxji, mentri l-istatistika turi li, fil-prattika, qajla persuna waħda minn kull 1 000 ma taqra l-kundizzjonijiet.

3.   Id-dinamika attwali tan-netwerks soċjali

3.1

F’dawn l-aħħar sentejn, in-netwerks soċjali żviluppaw b’pass mgħaġġel, li wassal għal żieda spettakolari fl-għadd ta’ utenti. Fl-2010, l-għadd totali ta’ utenti fid-dinja kien iqarreb lejn il-biljun ruħ – 23 % ogħla mis-sena ta’ qabel – fil-biċċa l-kbira tagħhom żgħażagħ. L-istatistika dwar il-koeffiċjenti tan-netwerks soċjali kklassifikati skont il-pajjiż jistgħu jiġu kkonsultati mill-mapep dinjin tan-netwerks soċjali maħluqa għal dan il-għan.

3.2

Il-persentaġġ tal-utenti żgħażagħ tan-netwerks soċjali huwa bil-bosta ikbar minn dak ta’ etajiet oħra. Fl-Ewropa, skont l-EUROSTAT, 80 % tal-utenti tal-internet bejn is-16 u l-24 sena użaw l-internet għal dan il-għan fl-2010, meta mqabbel mal-40 % bejn il-25 u l-54 sena, u inqas minn 20 % bejn il-55 u l-74 sena (ara s-sondaġġ tal-Kummissjoni “Risk and Safety”). F’dan ir-rigward, il-KESE jirreferi għal Opinjoni li qed ifassal bħalissa dwar ir-reklamar maħsub għat-tfal.

3.3

In-netwerks soċjali joffru firxa wiesgħa ta’ posibbiltajiet għall-utenti tagħhom. F’netwerk soċjali, l-utenti jistgħu jikkomunikaw mal-ħbieb u l-qraba li jgħixu ’l bogħod, jagħmlu ħbieb ġodda, jaqsmu informazzjoni multimedjali ma’ xulxin, jiżviluppaw relazzjonijiet tax-xogħol, iressqu proġetti, jibnu relazzjonijiet soċjali u professjonali, jesprimu jew jiddefendu ideat u kawżi partikolari, eċċ. Dawn il-possibbiltajiet diġà ġew estiżi ħafna f’oqsma bħat-trasmissjoni tal-immaġni, l-infografika u l-filmati mill-aktar netwerks soċjali reċenti bħall-Instagram, il-Pinterest u t-Tumblr, li l-għadd ta’ utenti tagħhom diġà qabeż lil dak ta’ YouTube, il-LinkedIn u l-Google+.

3.4

Madankollu, l-ewwel u qabel kollox, l-utenti jagħtu valur lill-importanza li jkunu jistgħu jaqsmu kontenut b’mod immedjat ma’ għadd kbir ta’ kuntatti, partikolarment dawk li ma ltaqgħux magħhom permezz tan-netwerks soċjali (familja, ħbieb, konoxxenzi), allavolja jużaw in-netwerks soċjali onlajn, f’forma sekondarja, biex isiru jafu nies ġodda.

3.5

Il-kuntest ta’ mudell ġdid imsejjes fuq ir-relazzjonijiet isaħħaħ l-aspetti pożittivi relatati mal-iżvilupp tan-netwerks soċjali u, b’mod partikolari, il-kontribut tiegħu għal dawn l-elementi (3):

l-iżgurar u l-eżerċitar tal-libertà tal-espressjoni f’kuntesti soċjali u politiċi speċifiċi;

il-ħolqien u t-tlaqqigħ flimkien tal-komunitajiet onlajn;

it-tlaqqigħ flimkien (mill-ġdid) ta’ ħbieb u qraba u l-possibbiltà ta’ komunikazzjoni magħhom;

il-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet perikolużi għall-minorenni u l-possibbiltà li dawn jitolbu għajnuna permezz tan-netwerks soċjali ta’ komunikazzjoni;

il-promozzjoni ta’ prodotti u servizzi u ż-żieda fil-kummerċ elettroniku;

bl-istess mod, għandna ħarsu lejn in-netwerks soċjali mil-lenti l-ġdida ta’ faċilitaturi tal-mobbiltà.

3.6

L-utilità tan-netwerks soċjali qed tkompli tiżdied hekk kif l-oqsma ta’ applikazzjoni tagħhom qed jinfirxu bi tweġiba għar-raġunijiet differenti li jimmotivaw lill-utenti jużawhom, fosthom dawk relatati mal-kuntatti familjari u soċjali; l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali u dik relatata mad-divertiment; ir-rikreazzjoni u l-ħin liberu; ir-relazzjonijiet personali u dawk affettivi; l-aċċess għall-għarfien u l-iżvilupp tat-tagħlim; l-ambjent tax-xogħol u dak professjonali; il-parteċipazzjoni ċivika u l-volontarjat; jew id-diskussjonijiet dwar l-opinjonijiet u l-ideat.

3.7

Jinħtieġ niftakru li l-komunitajiet ibbażati fuq l-internet jippreżentaw u jaraw ruħhom bħala li jixbhu d-dinja fiżika fis-sens li r-regoli tal-logħba f’dak l-ambjent ma jistabbilixxihomx l-utent. Meta l-utenti jirreġistraw, jaċċettaw regoli kuntrattwali stabbiliti mill-provveditur tas-servizzi, għalkemm jistgħu jiġu ppreżentati lill-utenti daqslikieku huma mingħajr ħlas. Madankollu, teżisti tranżazzjoni: nipprovdu d-dettalji personali tagħna. Meta nirreġistraw ruħna f’netwerk soċjali, mhux soltu nivverifikaw l-informazzjoni legali, ma nafux kif jistgħu jiġu użati d-dettalji li nagħtu, jew kif inhu kkonfigurat l-ambjent, min jista’ jikkonsulta d-dettalji u għal liema skop (“El Derecho Fundamental a la Protección de Datos: Guía del Ciudadano” (Id-Dritt Fundamentali għall-Protezzjoni tad-Data: Gwida taċ-Ċittadin), l-Aġenzija Spanjola għall-Protezzjoni tad-Data, Jannar 2011 (https://www.agpd.es/portalwebAGPD/index-ides-idphp.php) (mhux disponibbli bil-Malti).

3.8

Iżda l-utenti tan-netwerks soċjali għandhom l-impressjoni li dawn l-ispazji virtwali jappartienu għalihom, u li huma qegħdin joħolquhom u jikkontrollaw il-kontenut u l-informazzjoni miżjuda. Peress li dawn in-netwerks soċjali jagħtu lill-utenti tagħhom l-impressjoni li qed jaqdu rwol attiv kif ukoll jagħtuhom sens ta’ libertà, hemm ċans li ma jintebħux li huma nies oħra li qed jistabbilixxu u jikkontrollaw ir-regoli tal-logħba, u li, għaldaqstant, huma dawk li verament għandhom is-setgħa fejn jidħlu l-appoġġ u l-kontenut kollu tan-netwerks; għalhekk, huma jistabbilixxu r-restrizzjonijiet li jikkunsidraw li huma opportuni (fosthom, fuql-età tal-utenti li, fil-prattika, ma timpedixxix l-aċċess).

3.9

Fl-istess ħin, qed jiġi promoss l-impenn li jiġu adottati kodiċijiet etiċi li jħarsu l-valuri tal-użu xieraq tan-netwerks soċjali skont l-għanijiet li huma maħsuba għalihom, jew fil-forma ta’ regolazzjoni volontarja jew permezz tal-koregolazzjoni f’dan ir-rigward, sabiex jiġu kkontrollati l-attivitajiet.

3.10

Madankollu, dan ma jibdilx il-fatt li l-utenti tan-netwerks soċjali jesponu lilhom innifishom għal riskji differenti huma u jużawhom. Xi wħud minn dawn ir-riskji huma komuni fost l-utenti tal-internet u jixbhu lir-riskji assoċjati ma’ applikazzjonijiet oħra. Madankollu, il-problemi li huma relatati b’mod speċifiku man-netwerks soċjali, anke jekk huma preżenti fil-forom kollha tal-użu tal-internet, joħorġu ferm iżjed fid-dieher fil-każ ta’ dawn in-netwerks minħabba ċerti aspetti karatteristiċi bħall-akkumulazzjoni tad-data minn fost miljuni ta’ persuni; il-predominanza tal-utenti żgħażagħ li ma rċevew l-ebda tip ta’ taħriġ dwar l-użi intelliġenti u responsabbli tan-netwerks soċjali, u twissijiet dwar il-perikli li jġib miegħu (b’mod ġenerali, la l-ġenituri u lanqas l-għalliema ma jistgħu jistabbilixxu regoli dwar l-użu xieraq tagħhom abbażi tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom). Hemm ukoll il-fatt li għad mhumiex magħrufa l-problemi u l-isfidi li jġib miegħu żvilupp tant ġdid u vertiġinuż bħal dak tan-netwerks soċjali, li jesponi lill-utenti tal-internet għal sitwazzjoni kważi sperimentali.

3.11

F’dan ir-rigward, l-ansjetà soċjali hija t-tweġiba għal din it-taħlita ta’ teknoloġija li qed tinbidel b’pass mgħaġġel u spazji ta’ soċjalizzazzjoni li huma ġodda għall-minorenni u li l-ġenituri tagħhom qatt ma esperjenzaw. Dan però huwa kkaratterizzat ukoll mis-sensazzjonaliżmu u l-ħolqien ta’ miti, u jagħti lok għal risposti pubbliċi mhux adatti (rapport tal-UNICEF intitolat “Child Safety Online”).

3.12

Fost ir-riskji differenti assoċjati nistgħu nsemmu dawn: it-trawma psikoloġika kkawżata minn insulti li jsiru permezz ta’ dawn is-servizzi; il-fastidju sesswali tat-tfal u ż-żgħażagħ (cyberabuse, cyberbullying u grooming); il-fastidju psikoloġiku ripetut fi ħdan organizzazzjoni mis-superjuri ġerarkiċi, il-kollegi jew is-subordinati (mobbing); il-fastidju fil-post tax-xogħol minħabba l-indħil tal-intrapriżi fil-ħajja privata tal-persunal jew l-użu eċċessiv tal-ismartphones; il-wiri ta’ ritratti jew vidjows ta’ adoloxxenti għarwenin jew nofshom għarwenin, li jkunu ttieħdu minnhom stess jew minn persuni oħra (sexting); ir-reklamar espliċitu għall-prostituzzjoni u s-servizzi ta’ “skorta”; is-sesswalizzazzjoni tat-tfal fin-netwerks soċjali; il-ksur frekwenti tal-privatezza, ir-reputazzjoni u d-dinjità personali; l-attakki fuq il-benesseri fiżiku u mentali tal-utenti tas-siti; it-tixwix għall-vjolenza, ir-razziżmu u l-ksenofobija; it-tixrid ta’ ideoloġiji totalitarjani li jkunu ta’ natura faxxista jew li jiġġustifikaw in-Naziżmu; u s-suwiċidji minn żgħażagħ, allegatament għax ċerti dettalji intimi jkunu ħarġu fil-pubbliku permezz ta’ dawn in-netwerks.

3.13

Il-ġuristi jwissu li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu ta’ ħafna minn dawn in-netwerks jittrasferixxu d-dritt tal-awtur tal-kontenut iġġenerat mill-utenti għall-pjattaforma, li hija xi ħaġa li l-biċċa l-kbira tal-utenti tal-internet ma jafux.

3.14

Flimkien ma’ dawn ir-riskji marbutin mal-użu tan-netwerks soċjali għal finijiet illeċti jew dannużi u, b’mod partikolari, assoċjati mal-minorenni, insibu oħrajn iġġenerati mill-utenti nnifishom, li jistgħu jħarbtu l-ħajja normali personali, familjari, professjonali u soċjali tagħhom. Hemm ukoll il-periklu assoċjat mal-“ħlas onlajn”, li jista’ jħeġġeġ it-tfal jixtru prodott.

3.15

Hemm ukoll il-periklu li tinħoloq identità fittizja minħabba qerq, lejn ħaddieħor jew anke saħansitra l-persuna tqarraq lilha nnifisha, jew il-fantasija. Barra minn hekk, huwa iżjed faċli li jkun hemm konfużjoni bejn l-intimità, il-privatezza u l-ħajja pubblika u tiġi inkuraġġuta mġiba melodrammatika u narċisistika, jew anke mġiba li tgħawweġ il-fatti (Enrique Echeburúa u Paz de Corral). Barra minn hekk, kif ġie osservat diġà, il-komunikazzjoni virtwali eċċessiva tista’ ddgħajjef il-kwalità tar-relazzjonijiet umani, billi tissostitwixxi relazzjonijiet b’saħħithom u diretti b’oħrajn iżjed dgħajfin u, xi minn daqqiet, inċerti. Minħabba f’hekk ħafna utenti jistgħu jħossuhom waħidhom, u jistgħu saħansitra jissostitwixxu l-ħajja reali tagħhom f’waħda virtwali.

3.16

Dan iwassal biex l-utenti tal-internet ikunu inqas attenti u malajr jaċċettaw offerti ta’ ħbiberija mill-barranin, b’mod li, wara fit sigħat ta’ konversazzjoni, mill-ewwel jipprovdu informazzjoni sensittiva, intima u personali bħall-indirizz tagħhom, in-numru tat-telefown, isem il-ġenituri, eċċ., jiġifieri t-tip ta’ informazzjoni normalment użata fil-mistoqsijiet maħsuba biex jiġu rkuprati l-passwords. Dan iwitti t-triq għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra dwar il-post tax-xogħol, proġetti għall-ġejjieni, is-softwer użat, eċċ.

3.17

Biex nikkonkludu, kif osservat fl-istudji dwar din il-kwistjoni, l-utenti tan-netwerks soċjali jaċċettaw lill-barranin fil-grupp ta’ ħbieb tagħhom fuq is-sempliċi bażi ta’ ritratt tajjeb tal-profil tagħhom u huma lesti jiżvelaw kull tip ta’ informazzjoni personali wara konversazzjoni qasira onlajn. Meta wieħed iqis li dawn in-netwerks jissejsu l-iżjed fuq aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni u d-data personali ta’ kull membru minn fost il-“ħbieb” tagħhom, mhux diffiċli naraw li waħda mill-konsegwenzi prattiċi li kull konoxxenza – jew anke persuna barranija għalkollox – tiġi aċċettata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni bħala ħabiba, hija li kull skambju li jsir f’netwerk soċjali jsir, de facto, informazzjoni aċċessibbli liberament.

3.18

Għalhekk, huwa importanti ħafna li ssir enfasi fuq kampanji informattivi preventivi fi ħdan il-Programm Safer Internet, biex jagħtu pariri dwar il-qari tal-politiki tal-użu u l-privatezza tas-servizzi differenti qabel ma jintużaw, is-siwi li dak li jkun iqis sew is-sitwazzjoni qabel ma jippubblika xi ħaġa, l-użu tal-passwords, il-valutazzjoni ta’ liema informazzjoni nixtiequ niżvelaw u nikkontrollaw min ikollu aċċess għaliha, il-lista tal-kuntatti jew ir-riskji ta’ infezzjoni minn virus tal-kompjuter, u, b’mod partikolari, dwar is-sorsi disponibbli ta’ għajnuna f’dawk il-każijiet fejn xi ħadd jisfa vittma ta’ mġiba irregolari ta’ kwalunkwe tip f’netwerk soċjali. Bl-istess mod, għandhom jiġu żviluppati inizjattivi għat-taħriġ ta’ għalliema u materjal edukattiv b’risq tagħlim ċiviku u diġitali bikri.

3.19

Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li l-programmi tal-Kummissjoni jipprovdu għajnuna lill-assoċjazzjonijiet tal-utenti u lill-NGOs li huma ġenwinament indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi u ekonomiċi, u jaħdmu b’mod demokratiku.

4.   Problemi marbutin ma’ użu mhux xieraq tan-netwerks soċjali

4.1

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, persuna minn kull erbgħa għandha problema marbuta mal-użu eċċessiv tat-teknoloġiji ġodda. It-tfal u l-adoloxxenti huma l-iżjed vulnerabbli għal din ix-xorta ta’ vizzju, peress li minkejja li huma l-iżjed utenti esperti, huma wkoll l-iżjed immaturi.

4.2

Dan il-vizzju huwa magħruf ukolla bħala “mhux tossiku”, “mingħajr sustanza” jew “mhux kimiku”. Għalkemm ċerti esperti huma tal-fehma li m’għandniex nużaw il-kelma “vizzju” fis-sens strett tagħha (pereżempju, meta jsiru dawn id-distinzjonijiet: “vizzji ġodda”, “vizzji soċjali”, “vizzji mingħajr sustanzi” jew “vizzji mingħajr kimika”), iżda nużaw minflok “problemi ta’ abbuż, użu ħażin jew dipendenza, oħrajn huma tal-fehma li huwa tajjeb nużaw dan it-terminu, bl-istess mod li nużawh meta nitħaddtu dwar il-vizzju li dak li jkun jiżvoga fix-xogħol, ix-xiri jew is-sess, pereżempju.

4.3

L-użu eċċessiv tan-netwerks soċjali virtwali jista’ jwassal għall-iżolament, livell baxx ta’ produzzjoni, nuqqas ta’ interess f’suġġetti oħra, problemi ta’ mġiba u problemi ekonomiċi, biex ma nsemmux il-ħajja sedentarja u l-obeżità. Fil-qosor, il-vizzji u l-fatt li l-istil ta’ ħajja jirrifletti l-vizzji jikkonformaw man-nukleu ċentrali tal-vizzju. Għalhekk, mhuwiex it-tip ta’ mġiba li jikkaratterizza l-vizzju ta’ żvog fin-netwerks soċjali iżda t-tip ta’ relazzjoni li l-utent għandu ma’ dan il-vizzju (Alonso-Fernández, 1996; Echeburúa u Corral, 2009).

4.4

Dawn il-vizzji għandhom impatt fuq is-saħħa mentali, b’episodji ta’ ansjetà, dipressjoni, ossessjoni, problemi ta’ rqad, tibdil fil-personalità, li ta’ spiss iwasslu għal trattament ħażin, tilwim, inċidenti tat-traffiku u fil-post tax-xogħol, jew ħsara fuq il-persuna nnifisha.

4.5

Ma’ dan kollu jeħtieġ li nżidu l-problemi li jolqtu direttament is-saħħa fiżika tal-utenti, jiġifieri problemi fiżjoloġiċi bħall-uġigħ fl-għonq, it-tendinite, il-carpal tunnel syndrome u problemi tal-vista, nuqqas ta’ kura tal-aspett fiżiku, nuqqas ta’ rqad u tibdil fid-drawwiet normali tal-ikel.

4.6

L-użu u l-użu eċċessiv tal-internet huma assoċjati ma’ fatturi varjabbli psikosoċjali, bħall-vulnerabbiltà psikoloġika, il-fatturi relatati mal-istress u l-appoġġ familjari u soċjali. Hemm ċerti fatturi ta’ riskju li huma speċifiċi għall-użu eċċessiv tan-netwerks soċjali fost iż-żgħażagħ.

4.7

Ċerti sinjali ta’ twissija (nuqqas ta’ rqad, nuqqas ta’ attenzjoni lil attivitajiet importanti, persuni qrib tal-utent iressqu lmenti dwar l-użu tan-netwerks min-naħa tagħha, ħsibijiet kontinwi dwar in-netwerk, it-tentattivi falluti li l-utenti jillimitaw il-ħin tagħhom onlajn, it-telf tas-sens tal-ħin, eċċ.) joħorġu fid-dieher qabel ma d-delizzju jinbidel f’vizzju. Għalhekk, jekk nagħtu widen lil dawn it-twissijiet mill-iżjed fis possibbli – flimkien mal-iżvilupp ta’ strumenti ta’ valutazzjoni u dijanjosi – ikun iżjed faċli li nindunaw bil-problema mill-ewwel u li wara jsir it-trattament terapewtiku meħtieġ.

4.8

Barra minn hekk, għal din il-għan hemm bżonn ta’ riżorsi pubbliċi u miżuri preventivi (kampanji ta’ informazzjoni, programmi edukattivi, litteriżmu diġitali, servizzi ta’ għajnuna, traċċabbiltà u notifika tar-riskji, eċċ.), li jagħtu attenzjoni prijoritarja lill-bżonnijiet speċjali tal-iżjed gruppi vulnerabbli.

4.9

Ġew osservati sintomi fiżiċi u psikoloġiċi – tibdil fil-burdata, irritabilità, nuqqas ta’ paċenzja, preokkupazzjoni, dieqa u ansjetà – meta utent jiġi mġiegħel imur offlajn, ma jkunx jista’ jmur onlajn jew meta l-konnessjoni tkun batuta (Estévez, Bayón, De la Cruz u Fernández-Liria, 2009; García del Castillo, Terol, Nieto, Lledó, Sánchez, Martín-Aragón, et al., 2008; Yang, Choe, Balty u Lee, 2005).

4.10

F’xi wħud mill-każi nsibu ċerti karatteristiċi ta’ personalità u stati emozzjonali li jżidu l-vulnerabbiltà psikoloġika għall-vizzju: l-impulsività, id-disforja (stat mentali mhux normali li jiġi esperjenzat b’mod suġġettiv bħala skumdità u li huwa kkaratterizzat minn tibdil frekwenti fil-burdata); l-inkapaċità li wieħed jittratta stimuli spjaċevoli, kemm fiżiċi (uġigħ, insomnja u għeja) kif ukoll psikiċi (sens ta’ diżgust, preokkupazzjonijiet, responsabbiltajiet); u t-tiftix esaġerat ta’ emozzjonijiet eċċessivi (Estévez, Bayón, De la Cruz u Fernández-Liria, 2009; García del Castillo, Terol, Nieto, Lledó, Sánchez, Martín-Aragón, et al., 2008; Yang, Choe, Balty u Lee, 2005).

4.11

Madankollu, xi kultant, il-vizzju jkun ifisser problema ta’ personalità – pereżempju, timidezza eċċessiva, livell baxx tal-istima li wieħed ikollu għalih innifsu jew skuntentizza minħabba l-immaġni li wieħed għandu ta’ persuntu – jew approċċ mhux adatt għad-diffikultajiet ta’ kuljum. Barra minn hekk, problemi preċedenti (dipressjoni, ADHD, fobija soċjali u ostilità) jżidu r-riskju ta’ fissazzjoni fl-internet (Estévez, Bayón, De la Cruz u Fernández-Liria, 2009; García del Castillo, Terol, Nieto, Lledó, Sánchez, Martín-Aragón, et al., 2008; Yang, Choe, Balty u Lee, 2005).

4.12

L-appoġġ tal-ġenituri u l-għalliema jaqdi rwol prinċipali fl-istrateġiji ta’ prevenzjoni bil-għan li jkun hemm attitudnijiet b’saħħithom rigward l-użu tan-netwerks soċjali. Hija siewja kollha l-għajnuna li tingħata minnn gruppi ta’ pari (ħbieb iżjed esperti u konxji tar-riskji, li jistgħu jgħinu lill-persuni ta’ mparhom jew ħbieb iżgħar fl-età biex jagħrfu u jevitaw ir-riskji), li jitqiesu bħala protetturi onlajn.

4.13

Fl-aħħar nett, hija kwistjoni li jitrawmu, permezz ta’ użu xieraq, il-bosta opportunitajiet offruti min-netwerks soċjali, li jolqtu wkoll kwistjonijiet ta’ importanza kbira bħar-relazzjoni tagħna max-xogħol jew il-konsum (Salcedo Aznal Alejandro, “Sociedad de consumo o redes de consumidores? Esbozo para un análisis social del consumidor actual” (Soċjetà tal-konsumatur jew netwerks tal-konsumatur? Linji ġenerali għal analiżi soċjali dwar il-konsumatur attwali), 2008), li jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ din l-Opinjoni. F’dan il-każ, għandna nwettqau r-riformi meħtieġa biex nimpedixxu li, fl-eżekuzzjoni tal-liġi tax-xogħol, ikun hemm indħil inaċċettabbli fil-ħajja privata tal-persuni, permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda (mowbajls, posta elettronika, netwerks soċjali, eċċ.). Għalhekk, l-imsieħba soċjali għandhom jikkonkludu ftehimiet imsejsa fuq il-prinċipji tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan il-qasam.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9-18.

(2)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69-73.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi” (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69-73).


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 351/08

Relatur: is-Sur DASSIS

Korelatur: is-Sur JAHIER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-sottokumitat dwar “Il-prezz tan-non-Ewropa”, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-Opinjoni tiegħu nhar id-19 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 5 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Sommarju

1.1

Kważi kwart ta’ seklu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport Cecchini fl-1988, il-kwistjoni tal-“prezz tan-non-Ewropa” tidher bħala mezz rilevanti u interessanti biex id-dibattitu dwar it-tkomplija tal-kostruzzjoni Ewropea jimxi ’l quddiem. Imma filwaqt li r-rapport Cecchini indirizza s-suġġett mill-angolu esklużiv tas-suq uniku, illum huwa indispensabbli li mmorru ferm lil hinn u li niddiskutu l-prezz tal-fatt li l-unjoni ekonomika u politika fl-Ewropa baqgħet mhux kompluta. Il-prezz diġà hu għoli immens u jaf ikompli jikber jekk ma jsir xejn.

1.2

Il-problema hija pjuttost akuta f’kuntest fejn – taħt il-pressjoni min-naħa tas-swieq finanzjarji iżda wkoll min-naħa ta’ regoli istituzzjonali vinkolanti ġodda – l-Istati Membri ser ikollhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jaqtgħu d-dejn. X’għandu jsir mingħajr ma jiġi sagrifikat it-tkabbir li s-swieq finanzjarji jeħtieġu? L-approċċ it-tajjeb biex nevitaw li nidħlu fin-nassa ta’ spirali depressiva bla tmiem u li ma nġibux parti sinifikattiva tal-popolazzjoni fl-Ewropa fi stat ta’ faqar u miżerja jkun li ngħaqqdu ċertu ammont ta’ nfiq fil-livell Ewropew kif ukoll li napplikaw politiki Ewropej aktar ambizzjużi. Dan jippermetti lill-Unjoni sabiex tibda ċiklu virtwuż ta’ tkabbir, tibni identità ekonomika, industrijali u teknoloġika b’saħħitha f’kuntest ta’ globalizzazzjoni u tiddefendi l-mudell soċjali tagħna li wassal bil-bosta biex l-Ewropa tkun dik li hi llum.

1.3

Il-fatt li l-prezz tan-non-Ewropa jiġi indirizzat bil-mod li qed jiġi propost f’din l-opinjoni bla dubju għandu xi żvantaġġi metodoloġiċi u tekniċi, imma l-vantaġġ ewlieni tiegħu huwa li jippreżenta argumenti li huma diffiċli ħafna biex jiġu kkontestati mil-lat razzjonali sabiex noħorġu mill-kriżi attwali u titwettaq unjoni ekonomika u politika ġenwina fl-Ewropa. Bażikament, jeħtieġ li wieħed jagħti spjega inkonfutabbli biex jikkonvinċi l-opinjoni pubblika ssib soluzzjonijiet għall-problemi billi tisposta l-indikatur tas-sussidjarjetà lejn aktar Ewropa u ta’ kwalità aħjar fi żmien meta ċerti forzi politiċi qed jippruvaw iwaħħlu fiha bla ħtija.

1.4

F’dan ir-rigward, l-Istrateġija Ewropa 2020 fiha elementi interessanti immens. Ta’ min jilqa’b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tagħha li tippromovi konverġenza ġenwina speċjalment permezz ta’ politiki u objettivi komuni kif ukoll koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri fil-livelli kollha u fl-oqsma fejn l-approċċ Ewropew għadu ineżistenti jew fil-bidu nett tiegħu. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk din l-istrateġija tindirizzax tajjeb l-isfida li tinkiseb unjoni ekonomika u politika ġenwina li tkun kapaċi ssaħħaħ il-pożizzjonijiet tal-Ewropa fil-globalizzazzjoni u jekk – fil-forma attwali tagħha – hux ser ikollha eżitu aktar feliċi minn dak tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

1.5

Jidhrilna li huwa neċessarju li mmorru lil hinn minn hekk billi nintervjenu fid-dibattiti skedati kull sitt xhur li jsiru mill-mexxejja tas-17-il pajjiż taż-żona tal-euro kif ukoll tal-UE-27 u billi nissensibilizzaw lill-mexxejja u liċ-ċittadini tagħna dwar il-bżonn li nwettqu rivoluzzjoni Kopernikana fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-Ewropa u d-dinja. Il-“prezz tan-non-Ewropa” li qed inħallsu llum u li qed nissograw li nħallsu fil-futur huwa mod tajjeb ħafna biex nimxu ’l quddiem f’din id-direzzjoni. Billi nagħtu prova tal-benefiċċji ekonomiċi, politiċi u strateġiċi, jeħtieġ li mmorru kontra l-Ewroxettiċi u nitolbu lill-opinjoni pubblika tixhed il-fatt li l-Ewropa mhijiex il-problema, iżda għandha tkun is-soluzzjoni.

1.6

Tali approċċ għandu l-vantaġġ li jnaqqas l-ispejjeż, jottimizza l-infiq u jwassal għall-aqwa opportunitajiet possibbli, sabiex tingħata tweġiba xierqa biex jiġu affrontati l-isfidi attwali u sabiex insibu mod biex noħorġu mill-isqaq b’mod pożittiv u vantaġġuż għal kulħadd.

1.7

Meta jitqiesu dawn l-elementi kollha, il-prezz tan-non-Ewropa għandu jiġi analizzata minn naħa ħafna iktar wiesgħa minn dik proposta fil-qafas tal-istudju mitlub mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Il-prezz tan-non-Ewropa: il-potenzjal mhux sfruttat tas-suq uniku Ewropew”. M’għandniex bżonn ta’ studju ieħor (avolja x’aktarx ikun ta’ kwalità tajba ħafna) li jibqa’ midfun fil-libreriji tagħna u li kull tant żmien jiġi kkonsultat minn xi speċjalisti fil-qasam.

1.8

Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tħejji, inizjalment, stima preċiża tal-ispejjeż kollha li jkollna nġarrbuminħabba n-non-Ewropa kif imsemmi f’din l-Opinjoni u tal-impatt tagħhom fuq l-impjieg u t-tkabbir. Nipproponu li wara, fl-Istrateġija Ewropa 2020 jiġu inklużi għanijiet kwantifikati għat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż, bi pjan ta’ azzjoni ċar u valutazzjoni sistematika tal-progress tiegħu.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE qajjem il-kwistjoni tal-prezz tan-non-Ewropa minn diversi angoli f’diversi opinjonijiet li ħareġ f’dawn l-aħħar snin (1). Fi tmiem l-2010, id-dibattitu dwar in-non-Ewropa tnieda mill-ġdid mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, din tal-aħħar ikkummissjonat studju ambizzjuż biex taġġorna l-ħidma tar-rapport Cecchini (2)  (3).

2.2

Jidher li l-għażla tal-Kummissjoni u tal-Parlament fir-rigward tal-metodu u s-suġġett magħżula kienet fil-biċċa l-kbira motivata mit-tħejjija tal-Att dwar is-Suq Uniku II (Single Market Act II), għad li l-komunikazzjonijiet tagħhom saħqu wkoll fuq il-bżonn li s-suġġett jiġi identifikat bir-reqqa u li l-istudju jkun imsejjes fuq il-provi xjentifiċi (4) li jipprovdi approċċ bħal dan. Ta’ min ifakkar li l-mudelli relattivament kumplessi użati fir-rapport Cecchini dak iż-żmien wasslu għal żieda ta’ bejn 4,5 % u 7 % tal-PDG Komunitarju (għat-12-il Stat Membru), bil-ħolqien ipproġettat ta’ 2 sa 5 miljun impjieg addizzjonali fiż-żona unifikata. Madankollu, dawn l-istimi kienu msejsa fuq approċċ metodoloġiku u ipoteżijiet bażiċi li ma kinux ħielsa minn kritika u kontestazzjoni eventwali. Barra minn hekk, minkejja s-suċċess tagħhom fil-livell tal-komunikazzjoni, sa fejn nafu aħna dawn il-previżjonijiet qatt ma ġew riveduti b’mod sostanzjali u b’hekk l-eżattezza tagħhom ex post qatt ma setgħet tiġi vvalutata (5).

2.3

Il-KESE jinsab kuntent li s-suġġett reġa’ qed jingħata prominenza, għad li hija ftit sorprendenti li dan qed isir kwart ta’ seklu wara li ġie ppubblikat ir-rapport Cecchini. Madankollu, l-approċċ adottat, jiġifieri l-użu mill-ġdid tal-istess metodoloġija u kwantifikazzjoni ġdida tal-impatt ekonomiku potenzjali tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ fi ħdan is-suq uniku, huwa wieħed li fl-aħjar każ huwa restrittiv u fl-agħar każ sempliċement mhuwiex adegwat għal tal-anqas żewġ raġunijiet komplementari.

2.4

L-ewwel raġuni hija r-riskju li neħlu f’dibattitu purament tekniku (biex ma ngħidux teknokratiku) dwar il-prezz tan-non-Ewropa, filwaqt li – minkejja għodod mill-aktar kumplessi li jistgħu jintużaw – l-aspett tekniku ħafna drabi huwa biss illużjoni fix-xjenzi soċjali.

2.5

It-tieni raġuni – li hija aktar fundamentali – hi li dawn huma żminijiet totalment differenti. Fl-1988, id-dibattitu essenzjalment kien jikkonċerna l-istat tas-suq komuni, li ngħata l-isem ta’ “suq uniku”. F’dan ir-rigward, ir-rapport Cecchini kien utli ħafna, għax identifika u kkwantifika tajjeb l-ostakli u d-dewmien involuti f’dan il-qasam. B’hekk, għamilha possibbli li jkun iġġustifikat programm ta’ rilanċ u li tissaħħaħ dinamika pożittiva li wasslet b’mod partikolari għall-programm ta’ Delors u l-objettiv tiegħu tal-1992.

2.6

Fl-2012, l-istat tas-suq uniku m’għadux jinsab fil-qalba tal-problema. Mhux biss il-kostruzzjoni tas-suq uniku għamlet progress kbir matul dawn l-aħħar 25 sena, iżda, aktar u aktar, il-kuntest inbidel ħafna u bħalissa jinsab ikkaratterizzat minn tal-anqas ħames elementi ewlenin ġodda meta mqabbel ma’ tmiem is-snin 80: 1) globalizzazzjoni ferm aktar avvanzata, bil-wasla fis-suq internazzjonali ta’ pajjiżi emerġenti bħall-Brażil, l-Indja u speċjalment iċ-Ċina; 2) Ewropa magħmula minn 27 nazzjon li l-livell ta’ żvilupp, l-istrutturi ekonomiċi u s-sistemi soċjali tagħhom huma aktar eteroġenji milli kienu fis-snin 80; 3) in-natura ferm aktar avvanzata tal-kostruzzjoni Ewropea u l-ħolqien ta’ ċerti istituzzjonijiet ewlenin, bħall-euro u l-BĊE; 4) kriżi ekonomika mingħajr preċedent mis-snin 30 ’l hawn, li għadha għaddejja fil-forma ta’ “kriżi tad-dejn sovran”; 5) fl-aħħar nett, il-ħtieġa assoluta li l-Istati Membri jeħilsu mid-dejn tagħhom fis-snin li ġejjin.

2.7

Dawn l-elementi jwassluna biex nipproponu approċċ ferm differenti lejn id-dibattitu dwar il-prezz tan-non-Ewropa. L-iżvantaġġ li qed tbati minnu l-Ewropa f’dan l-istadju mhuwiex daqstant id-dewmien tal-kostruzzjoni tas-suq uniku tagħha (li sadattant qed jibbenefikaw minnu kemm il-kompetituri tagħna kif ukoll l-Ewropej stess). Huwa l-iktar it-tiswir ta’ identità ekonomika, industrijali u teknoloġka qawwija fil-globalizzazzjoni, li saret multipolari, li jimplika kompetizzjoni dejjem aktar ħarxa, l-iktar min-naħa tal-poteri msejħa “emerġenti”, fi żmien ta’ kriżi sistemika mingħajr preċedent.

2.8

Għalhekk, ir-riflessjoni trid tindirizza l-ispejjeż kollha tan-non-Ewropa kkawżati mill-fatt li l-kostruzzjoni Ewropea mhijiex kompluta. Dawn l-ispejjeż huma ferm akbar minn dawk li jistgħu jiġu kkaġunati mill-ostakli eventwali għall-kummerċ intra-Komunitarju li għadhom jeżistu llum. Il-KESE jinsab konxju li huwa diffiċli li s-suġġett jiġi indirizzat b’mod daqshekk wiesa’ u fundamentalment politiku, imma dan hu l-uniku mod li jagħmel sens fis-sitwazzjoni attwali (6).

3.   L-Ewropa u l-kisbiet tagħha

3.1

Sittin sena ilu, it-tama li l-Ewropej jgħixu fil-paċi saret konkreta bil-ħolqien tal-ewwel Komunità Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Il-mixja lejn l-integrazzjoni saret bil-mod iżda b’mod kostanti sal-1992. Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, it-tkabbir tal-Unjoni għal 27 Stat Membru kien, bla ebda dubju, progress kbir, iżda l-uniku progress ġenwinament sħiħ. L-approfondiment tal-Unjoni mħabbar sa mis-snin 80 intesa. Il-munita unika, is-suq intern, il-politiki ta’ koeżjoni u l-PAK huma bla dubju kisbiet importanti imma mhux kompluti u, fuq kollox, mhumiex biżżejjed biex tinħoloq Unjoni ta’ vera.

3.2

Lil hinn mit-termini li fihom jiġi indirizzat dan id-dibattitu, naturalment hemm dibattitu dwar it-termini użati. Xi jfisser “il-prezz”? Xi tfisser “in-non-Ewropa”? Saħansitra xi tfisser il-kelma “non”? Potenzjalment, kollox jista’ jitqies bħala l-Ewropa jew in-non-Ewropa. Huwa oġġettivament diffiċli li jintgħażlu l-istrumenti/il-politiki/il-beni pubbliċi kkonċernati, li jiġi iżolat l-impatt tagħhom, li jiġi ddeterminat f’liema livell l-użu tagħhom ikun l-aktar effikaċi (Ewropew/nazzjonali/lokali), li jiġi deċiż f’liema termini għandhom jiġu espressi l-ispejjeż/il-benefiċċji jew inkella fuq liema perjodu ta’ żmien ikun opportun li jiġu analizzati (u l-lista tad-diffikultajiet ma tiqafx hawn). Meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha, mhuwiex faċli li jintlaħaq qbil fuq approċċ metodoloġiku rigoruż u li wieħed imur lil hinn minn dawn il-ġeneralitajiet kunsenswali. Il-memo tal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti metodoloġiċi jipprovdi kjarifiki prezzjużi f’dan ir-rigward u juri perfettament il-kumplessità straordinarja ta’ dan is-suġġett.

3.3

Madankollu, ikun xi jkun l-approċċ, id-definizzjonijiet tal-kunċett – anke l-usa’ fosthom – ma jippermettux li jiddaħħlu fid-dibattitu parti mill-beni pubbliċi fundamentali (bħall-paċi jew il-moviment liberu taċ-ċittadini) li ġġenerat il-kostruzzjoni Ewropea f’kemm kemm aktar minn nofs seklu.

3.4

Mingħajr ma nippruvaw nikkwantifikaw il-kontribut tagħhom għall-benesseri taċ-ċittadini Ewropej jew nintilfu f’verżjonijiet storiċi alternattivi (x’kien jiġri kieku l-kostruzzjoni Ewropea ma saritx bil-mod li nafuha llum?), ta’ min ifakkar – fi żmien meta r-raġunament dwar “il-prezz tal-Ewropa” qed isir dejjem aktar popolari – li l-istorja tal-kontinent tagħna mhux dejjem kienet dik li għexna mill-1945 sal-lum. Il-paċi, il-prosperità, id-drittijiet fundamentali (kif espressi fil-Karta tal-UE (7)), il-moviment liberu tal-individwi u tal-merkanzija, il-possibbiltà li wieħed juża l-istess munita huwa u jaqsam il-fruntieri, l-istabbiltà tal-prezzijiet u vantaġġi oħra li jiffurmaw parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, ħafna minna (speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa) bħalissa jħarsu lejhom bħala assolutament normali, bħala xi ħaġa naturali: il-kontrolli fil-fruntieri bejn Franza u l-Ġermanja jidhru bħala xi ħaġa stramba filwaqt li t-theddida ta’ gwerra bejn l-Istati Ewropej tista’ titqies bħala ċajta goffa. Evidentement, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li nkunu nafu fiċ-ċert x’kienet tkun is-sitwazzjoni llum il-ġurnata li kieku bqajna ngħixu f’oqfsa purament nazzjonali imma ma tidhirx ħaġa mhux raġonevoli li nsostnu li l-kostruzzjoni Ewropea tal-anqas iffaċilitat il-ħolqien ta’ dawn il-beni pubbliċi u għamlithom tant ovvji u naturali għal kulħadd.

3.5

Imma dan ifisser li dawn il-kisbiet ser jibqgħu magħna għal dejjem? Xejn affattu. L-ipoteżi ta’ gwerra fratriċida kienet tidher ukoll assurda u ftit li xejn probabbli għal ċittadin tal-Jugoslavja fis-snin 80, iżda dan ma kienx biżżejjed biex jiġu evitati gwerer ferm ħorox wara x-xoljiment tal-pajjiż. Il-kisbiet l-oħra, li damu għexieren ta’ snin biex isiru realtà, jistgħu jisfaxxaw: l-introduzzjoni ta’ kontrolli fil-fruntiera jew it-tqegħid f’dubju taż-żona tal-euro huma perspettivi li issa sirna nisimgħu dwarhom ’l hawn u ’l hemm mingħajr mistħija, kemm min-naħa ta’ kummentaturi jew partiti politiċi Ewroxettiċi u/jew Popolari, kif ukoll – dejjem aktar ta’ spiss – minn movimenti politiċi tradizzjonali.

3.6

Fl-aħħar nett, mingħajr ma nqisu l-aktar xenarji estremi, mhux ser jirnexxilna naħarbu l-kwistjoni tal-prezz tan-“non-Ewropa” fil-każ li jiġu żmantellati totalment jew parzjalment ċerti istituzzjonijiet ewlenin, bħall-munita unika. Studju reċenti tal-Bank UBS (8), għad li jista’ jiġi kkritikat għal diversi raġunijiet fil-livell metodoloġiku, jivvaluta l-ispejjeż tal-ħruġ mill-euro għal 40-50 % tal-PDG għal pajjiż “dgħajjef” biss biss matul l-ewwel sena. Anke fil-każ ta’ ħruġ mill-euro ta’ pajjiż “b’saħħtu” (bħall-Ġermanja), dan il-prezz jilħaq l-20-25 % tal-PDG matul l-ewwel sena biss, jiġifieri EUR 6 000 sa 8 000 għal kull abitant. Dan kollu mingħajr ma jitqiesu l-effetti destabilizzanti fil-livell politiku, il-gwerer possibbli bejn il-muniti b’żvalutazzjonijiet kompetittivi fil-katina, il-qawmien mill-ġdid ta’ politiki protezzjonisti fil-livell nazzjonali u l-impatt potenzjalment katastrofiku fuq l-antiċipazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi. Dawn il-fenomeni jistgħu jixħtu lill-Ewropa f’depressjoni fit-tul għal bosta snin. Ħadd mhu kapaċi jipprevedi l-konsegwenzi ta’ avvenimenti bħal dawn, imma nistgħu nistennew movimenti importanti ta’ rikompożizzjoni ġeopolitika li tiġġenera alleanzi ġodda potenzjalment destabilizzanti għall-Ewropa bħala blokk politiku u ekonomiku magħqud.

4.   Ma jistax ikun hemm Unjoni Ewropea mingħajr unjoni ekonomika ġenwina

4.1

Għall-kuntrarju tal-ideat demagoġiċi mwassla minn ċerti kurrenti politiċi f’bosta pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-2008-2009 u l-manifestazzjonijiet multipli tagħha minn dak iż-żmien ’l hawn, id-diffikultajiet ekonomiċi attwali mhumiex marbutin mal-eċċessi tal-Ewrokrati ta’ Brussell iżda proprju mal-fatt li l-kostruzzjoni Ewropea hija fundamentalment mhux kompluta. L-għan imħabbar tal-kostruzzjoni ta’ unjoni monetarja fil-verità qatt ma ntlaħaq. In-nuqqas vergonjuż ta’ interess min-naħa tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej li l-ħin kollu jipposponu l-ħidmiet meħtieġa biex tinkiseb integrazzjoni ekonomika ġenwina, iżda wkoll il-proċessi indispensabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet leġittimi u demokratiċi fl-Istati Membri (li wħud minnhom ġew pubbliċizzati ħafna) spiċcaw – f’kuntest ta’ xokk estern asimmetriku ta’ vjolenza liema bħalha – biex iġibu magħhom spirali ta’ sfiduċja min-naħa tas-swieq. Din is-sitwazzjoni qed twassal biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea iħallsu prezz dejjem ogħla f’termini ta’ kompetittività, tkabbir, impjieg, koeżjoni soċjali u saħansitra ta’ leġittimità demokratika fil-livell kontinentali.

4.2

Il-ħolqien ta’ unjoni monetarja mingħajr unjoni ekonomika ġenwina wera l-limiti kollha tiegħu billi minflok iġġenera l-konverġenza spiċċa biex iġġenera d-diverġenza. Illum il-ġurnata, l-Ewropa ma baqagħlhiex iż-żmien tistenna li l-affarijiet jinbidlu waħidhom b’mod naturali f’ġejjieni mbiegħed. L-għażla hi jew li jsir progress malajr biex titwettaq unjoni ekonomika Ewropea ġenwina, b’mekkaniżmu effettiv li jirreżisti l-ħasdiet asimmetriċi, jew li jiġġarrbu l-ispejjeż potenzjalment esplożivi tan-non-unjoni futura.

4.3

Id-diffikultajiet attwali tal-euro, munita li hija fundamentalment mhux kompluta, jirriflettu din is-sitwazzjoni. Il-livelli relattivi tad-dejn pubbliku tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, u wkoll dawk tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej meqjusin bħala “mhedda”, huma aktar baxxi minn dawk ta’ pajjiżi oħra msejħa “avvanzati”, bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit jew il-Ġappun. Imma filwaqt li d-dollaru, il-lira sterlina jew il-jenn Ġappuniż huma meqjusa bħala l-muniti ta’ poteri ġenwinament “imwettqin”, l-euro jbati minn immaġni ta’ munita li s-sovranità tagħha mhix ċar ħafna (9), minn mandat restrittiv fdat lill-Bank Ċentrali Ewropew u min-nuqqas ta’ governanza ekonomika ġenwina fil-livell Ewropew. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huwa kruċjali li tintlaħaq Unjoni Ekonomika Ewropea bil-fatti, b’regoli, b’mod partikolari dawk li jistgħu jiġu infurzati, u responsabbilitajiet ċari f’kull livell, li mhumiex fattibbli mingħajr riformi politiċi radikali li jagħtu lil tali unjoni l-leġittimità meħtieġa.

4.4

Huwa diffiċli li wieħed ikejjel l-ispejjeż kollha ta’ din l-isfiduċja min-naħa tas-swieq, li barra minn hekk hija responsabbli bil-kbir għall-kuntest ta’ reċessjoni attwali. Madankollu, “il-prezz tan-non-Ewropa” għall-baġits pubbliċi, imqar minħabba l-primjus ta’ riskju imposti fuq ċerti Stati fil-perjodu attwali, jista’ jiġi stmat bejn 0,4 % u 1,5 % tal-PDG fl-2012 (jiġifieri bejn EUR 9 biljun u EUR 36 biljun) u bejn 1,8 % u 2,4 % tal-PDG fl-2013 u l-2014 (jiġifieri EUR 42 biljun u EUR 56 biljun) rispettivament għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, naturalment b’differenzi kbar ħafna bejn il-pajjiżi (10).

4.5

Kostruzzjoni ekonomika kompluta li tipprevedi b’mod partikolari integrazzjoni baġitarja u fiskali aktar mill-qrib sottoposta għal kundizzjonijiet u kontrolli stretti setgħet telimina dawn il-primjums ta’ riskju billi tintroduċi mekkaniżmi għall-ġbir tar-riżorsi fil-livell Ewropew (bħall-eurobonds, fost l-oħrajn) minflok il-mekkaniżmi ta’ emerġenza ad hoc, frott l-improvviżazzjoni, liema lakuni jiġu emendati kull darba li s-sitwazzjoni tkun inkontrollabli. L-Istati Membri u l-Ewropa għandu jkollhom il-kuraġġ li ma jaġixxux b’mod reattiv imma li jadottaw pjan ta’ azzjoni u riformi istituzzjonali koerenti sabiex isibu tweġiba globali għall-kriżi attwali li tkun tista’ tfassal perspettiva tassew kredibbli.

4.6

Dan l-aħħar ittieħdu ċerti passi f’din id-direzzjoni. B’xorti ħażina, ma jidhrux sodisfaċenti biex jindirizzaw l-isfidi inkwistjoni.

5.   Il-benefiċċji mistennijin mill-Unjoni Ewropea

5.1

L-aħħar impenji meħuda waqt is-summit ta’ Brussell tad-9 ta’ Diċembru 2011, li jagħtu ħajja ġdida lid-dixxiplina tal-Patt ta’ Stabbiltà ta’ Maastricht, jimplikaw tnaqqis drastiku tad-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri permezz tal-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet awtomatiċi fil-każ ta’ ksur tar-“regola tad-deheb”. B’hekk, l-Istati Membri, li ser ikunu taħt il-pressjoni mhux biss tas-swieq finanzjarji iżda wkoll ta’ regoli vinkolanti, ser ikollhom l-obbligu li jżidu l-isforzi tagħhom biex jaqtgħu d-dejn.

5.2

Il-mistoqsija fundamentali li saret lill-mexxejja politiċi ta’ bosta Stati Membri Ewropej li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ dejn pubbliku hija tentattiv biex tissolva problema mingħajr soluzzjoni: kif għandha tiġi indirizzata l-isfiduċja tas-swieq li qed jitolbu affarijiet inkompatibbli, jiġifieri it-tnaqqis drastiku tad-defiċits pubbliċi u – kważi fl-istess ħin – ir-rilanċ tat-tkabbir? Wieħed mill-mezzi biex tinstab soluzzjoni għal din il-kobba mħabbla jkun li jiġu eliminati d-dupplikazzjonijiet inutli bejn l-Istati Membri billi flimkien jiksbu ekonomiji ta’ skala u fl-istess ħin jifirxu l-pedament għal rilanċ baġitarju futur fil-livell Ewropew. B’dan il-mod, b’mod partikolari jistgħu jiġu evitati – jew tal-anqas jitrażżnu – l-effetti depressivi tal-politiki ta’ awsterità li kulħadd qed jimplimenta għal rasu mingħajr ma jiddeterjora s-servizz pubbliku pprovdut liċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess ħin tiġi indirizzata l-problema tal-ħela kkawżata minn 27 politika differenti – ħafna drabi mhux ikkoordinati – fl-istess oqsma. Evidentement, din l-idea hija impossibbli biex tiġi implimentata b’baġit Komunitarju limitat għal 1 % tal-PDG u tmur għalkollox kontra s-suġġeriment li l-infiq baġitarju jitnaqqas kullimkien, inkluż fil-livell Ewropew.

5.3

B’hekk, il-baġits akkumulati allokati għad-difiża tal-Istati Membri laħqu kważi EUR 200 biljun fl-2010 imma – skont il-fehma ta’ bosta esperti – il-politiki nazzjonali f’dan il-qasam għadhom frammentati u b’mod ġenerali ftit li xejn effikaċi (11). Minkejja diversi inizjattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali, l-approprjazzjonijiet għat-tagħmir u l-programmi ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tad-difiża (madwar 20 % tal-baġit globali) huma prattikament l-uniku qasam fejn hemm l-ispejjeż jinġabru flimkien ġenwinament u anke hawn, skont l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dan l-ammont laħaq it-22 % fl-2010 (12). L-istudji dwar is-suġġett jistmaw iffrankar potenzjali ta’ 32 %, jiġifieri EUR 13-il biljun, biss biss fuq dawn il-partiti baġitarji fil-każ li l-ispejjeż jinġabru flimkien (13).

5.4

L-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal prerogattivi sovrani oħra tal-Istati Membri, bħas-servizz diplomatiku, id-dwana, il-kontroll fil-fruntieri, il-protezzjoni ċivili, il-ġlieda kontra l-frodi, eċċ. It-tnaqqis tal-ispejjeż f’dawn l-oqsma kollha, minkejja n-nuqqas ta’ qbil possibbli dwar il-kwantifikazzjoni preċiża tagħhom, hija purament kwistjoni ta’ rieda politika.

5.5

Il-prezz fiskali tan-non-Ewropa huwa kwistjoni annessa li tiggrava l-prezz baġitarju. Il-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri ma ngħatatx qafas ibbażat fuq l-interessi Ewropej komuni. B’konsegwenza ta’ dan, il-bażijiet trasferibbli soġġetti għad-delokalizzazzjoni mhumiex intaxxati biżżejjed, filwaqt li l-oħrajn huma intaxxati żżejjed, u dan iġib miegħu telf ta’ introjtu fiskali (u b’hekk spiża) għall-Ewropa u l-Istati Membri. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġġib magħha żbilanċi, inġustizzji u fuq kollox spejjeż soċjali kbar li xejn mhuma meqjusin tajjeb mill-opinjoni pubblika.

5.6

Rigward il-qasam soċjali, id-dibattitu fuq “il-prezz tan-non-Ewropa” mhuwiex ġdid. Il-kostruzzjoni Ewropea ma tistax tkun imsejsa biss fuq il-prinċipju tal-kummerċ ħieles, bil-politiki tal-kompetizzjoni u l-benesseri tal-konsumatur ikunu predominanti fuq kull kunsiderazzjoni oħra u joħolqu gradar soċjali ’l isfel. Ta’ min ifakkar li minkejja l-akkużi li ta’ spiss jinstemgħu dwar l-allegati “diktati Ewropej”, il-kawża – hawn ukoll – hi li m’hemmx biżżejjed Ewropa u mhux li hemm iżżejjed Ewropa. Lil hinn mis-sentimenti ta’ inġustizzja u mill-ispejjeż soċjali li tant huma kbar, b’mod partikolari fil-kuntest attwali, il-konklużjonijiet ta’ diversi studji juru li n-non-Ewropa f’dan il-qasam tiġġenera wkoll spejjeż ekonomiċi kbar (14). B’hekk, id-data empirika tindika li politika soċjali tajba u effikaċi tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika, speċjalment billi tnaqqas l-impatt tal-fenomeni ċikliċi filwaqt li tiffavorixxi allokazzjoni aħjar tar-riżorsi, iżda wkoll u b’mod iktar ġenerali il-benesseri taċ-ċittadini (15). Barra minn hekk, il-politiki soċjali ta’ kwalità għandhom tendenza jnaqqsu l-fenomeni ta’ “selezzjoni avversa”, jinternalizzaw ċerti fatturi esterni u jsaħħu l-kwalità tal-forza tax-xogħol u tal-“kapital soċjali” fis-sens wiesa’ tat-terminu. Il-Karta Soċjali Ewropea kellha l-għan li tintroduċi xi regoli fundamentali f’dan il-qasam għall-Istati Membri kollha. Bħalissa, jidher li hemm bżonn nimxu ’l quddiem u li nikkunsidraw qafas strutturat ta’ konverġenza tal-politiki soċjali sabiex jitnaqqsu d-distakki li huma kbar wisq u sabiex jiġi evitat li l-aggravament tal-iżbilanċi soċjali kif ukoll iż-żieda ġenerali tal-faqar iwasslu biex jinħolqu ostakli serji għal tkabbir ekonomiku sinifikanti, bilanċjat u li jdum.

5.7

Il-kompetizzjoni fiskali u soċjali, li ftit li xejn hija rregolata f’żona ekonomika li ma tantx fiha ostakli għall-movimenti tal-merkanzija, is-servizzi u l-kapital tiġġenera wkoll tendenzi oħrajn partikolarment ta’ ħsara f’kuntest ekonomiku globalizzat. L-iżmantellar gradwali tal-industrija f’diversi pajjiżi Ewropej hija realtà indubitabbli li tqajjem mhux biss oppożizzjoni qawwija min-naħa taċ-ċittadini iżda twassal ukoll għal problemi strateġiċi għall-pajjiżi tagħna, peress li dawn l-iżviluppi huma partikolarment estensivi, huma diffiċli biex jitreġġgħu lura fuq perjodu qasir/medju u b’hekk għandhom konsegwenzi kbar (16). L-inkonsistenzi dejjem jikbru kkawżati mill-predominanza tal-linji gwida nazzjonali fil-qasam tal-politika industrijali qed iwasslu għal soluzzjonijiet unilaterali, li għandhom lok għal titjib u kultant huma saħansitra kontroproduttivi (17), fi żmien meta l-pajjiżi emerġenti qed japplikaw politiki industrijali “ħfief” abbażi ta’ munita dgħajfa u appoġġ pubbliku attiv (18). Minflok li jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien jew tal-anqas jikkoordinaw l-użu li jagħmlu minnhom biex jindirizzaw dawn l-isfidi, għadd ta’ pajjiżi Ewropej kbar qed jiġu dejjem iktar imġiegħla, minħabba n-nuqqas ta’ “Komunità Ewropea tal-Enerġija” (19), jilħqu ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi f’oqsma importanti bħall-enerġija jew ir-riċerka u l-iżvilupp (20). Huwa evidenti li politika Ewropea tkun bla dubju soluzzjoni ferm aktar effikaċi.

5.8

Il-baġit tal-Unjoni għar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 jilħaq 0,08 % tal-PDG tagħha, li hu 20 sa 30 darba inqas mill-baġits nazzjonali. Studju kkonkluda li kull euro pubbliku addizzjonali investit f’riċerka u żvilupp b’dimensjoni Ewropea jispiċċa biex jiġġenera EUR 0,93 mis-settur privat (21). Is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka Komunitarja (FP7, 2007-2013), li huwa attrezzat b’pakkett ta’ EUR 50,5 biljun, juri li din mhijiex ħolma fiergħa u li politika komuni f’dan il-qasam hija possibbli. L-impatt ta’ dan il-programm huwa kbir: huwa stmat li kull euro tal-programm kwadru jispiċċa biex jiġġenera żieda ta’ bejn EUR 7 u 14 fil-valur miżjud industrijali. Fuq perjodu twil, l-analiżijiet makroekonomiċi mwettqa mid-DĠ Riċerka jipprevedu li s-Seba’ Programm Kwadru ser ikun ippermetta l-ħolqien ta’ 900 000 impjieg sal-2030, fosthom 300 000 impjieg ta’ riċerkaturi. Bis-saħħa taż-żieda fil-kompetittività, ser ikun ippermetta wkoll, fuq l-istess perjodu, żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE ta’ kważi 1,6 % u tnaqqis fl-importazzjonijiet ta’ madwar 0,9 %.

5.9

Barra minn hekk, il-politika industrijali komuni għandha bilfors tikkunsidra l-isfidi ambjentali u tkun ikkoordinata mill-qrib mal-politika enerġetika tal-Unjoni. Il-ġestjoni tal-kwistjonijiet enerġetiċi f’qafas nazzjonali tista’ tagħti l-illużjoni li l-affarijiet ikunu aktar faċli fuq perjodu qasir jew medju ta’ zmien imma tista’ wkoll tirriżulta għalja ħafna fuq perjodu twil billi tiġġenera dipendenza qawwija mill-pajjiżi li jipproduċu l-idrokarburi u billi ġġiegħel lill-infiq fuq l-enerġija jogħla bil-kbir. It-tweġiba tista’ tikkonsisti f’investiment fl-iżvilupp tal-infrastrutturi fil-qasam tal-enerġija kif ukoll it-tixrid ta’ sorsi ġodda ta’ enerġija bis-saħħa tar-riċerka u l-iżvilupp b’dimensjoni Ewropea (22). Skont studju ta’ Accenture għad-DĠ Enerġija, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ fir-Renju Unit jew l-enerġija mix-xemx fi Spanja, flimkien mal-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali, jista’ jippermetti li l-kontijiet tal-konsumaturi Ewropej jitnaqqsu b’madwar EUR 110 biljun sal-2020.

5.10

Fil-kriżi attwali, qed jiżdied ir-riskju ta’ qgħad fit-tul li jista’ jkun permanenti. Dan jista’ jimpedixxi lill-persuni milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom fil-post tax-xogħol u, għalhekk, iċaħħad ukoll l-ekonomija Ewropea minn dan il-potenzjal. Tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan tat-tkabbir inklużiv u titlob tiftix intensiv għal soluzzjonijiet fit-tul li, fost affarijiet oħra, għandhom jinvolvu appoġġ għall-impjiegi inklużivi mill-fondi pubbliċi, bil-għan li jinżammu d-drawwiet tax-xogħol, u appoġġ għall-attivitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid, bil-għan li l-persuni jiġu adattati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni.

Epilogu

“Ma baqax żmien għal kliem fieragħ iżda jeħtieġ att qalbieni u kostruttiv”

Dan il-kliem, li qalu Robert Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, huwa aktar rilevanti llum minn qatt qabel. Sinjuri, intom li tieħdu d-deċiżjonijiet, jekk jogħġobkom ħudu azzjoni. Iċ-ċittadini jaspiraw għall-paċi u d-dinjità. Sfruttaw il-potenzjal enormi ta’ 500 miljun Ewropew. M’għandkomx il-jedd li tiddiżappuntawhom.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara pereżempju l-Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida)” tal-21 ta’ Ottubru 2010 jew l-Opinjoni dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” tas-16 ta’ Ġunju 2011.

(2)  Ta’ min ifakkar li l-għan ta’ dan ir-rapport kien li jikkwantifika l-impatt ekonomiku potenzjali tat-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ intra-Komunitarju bejn l-Istati Membri ta’ dak iż-żmien. L-istudju l-ġdid għandu jadotta l-istess metodoloġija filwaqt li jadattaha għas-sitwazzjoni u l-isfidi tal-kuntest attwali.

(3)  Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Parlament Ewropew (PE) iddeċieda li jikkummissjona rapport eżawrjenti dwar il-prezz tan-“non-Ewropa”. Wara din is-sejħa għall-offerti, il-Kummissjoni Ewropea allokat l-istudju lil konsorzju mmexxi mil-London School of Economics. Dan l-istudju għandu jappoġġja d-diskussjonijiet fil-qafas tat-tħejjija tal-Att dwar is-Suq Uniku II (Single Market Act II).

(4)  Bħalma jenfasizza l-memo metodoloġiku tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna tal-Unjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Frar 2011: Fil-prinċipju, il-motivazzjoni li tista’ tiġġustifika l-istima ta’ dawn l-ispejjeż/il-benefiċċji tirrifletti r-rieda li d-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ provi xjentifiċi dwar il-kunċetti jew prinċipji differenti (ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, effiċjenza, effettività jew sostenibbiltà) sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-azzjoni politika vis-à-vis iċ-ċittadini (korsiv użat fit-test oriġinali bil-Franċiż).

(5)  Ħlief għal nota ta’ analiżi xejn ċara minn awturi mhux magħrufa, li nkitbet għoxrin sena wara u li tinstab hawnhekk: www.oboulo.com. Din in-nota tindika li l-istennijiet ma ġewx issodisfati iżda li l-kwalità tal-previżjonijiet kienet globalment sodisfaċenti (ara “The Cecchini Report – 20 years later”, 16/01/2009).

(6)  Il-Kummissjoni u l-Parlament huma konxji mill-importanza ta’ dawn is-suġġetti. Filwaqt li tagħraf il-piż potenzjali tal-ispejjeż marbutin mal-aspetti esterni tal-politiki komuni tagħha, il-memo tal-Parlament Ewropew jikkonkludi li studju ta’ din ix-xorta jaf ikun kumpless ħafna u r-riżultati miksuba jafu jkunu inċerti wisq minħabba d-dipendenza mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet internazzjonali u minħabba n-nuqqasijiet li jeżistu fil-governanza multilaterali. (p. 15, op. cit.) Rigward l-isfidi interni, il-memo jipproponi li l-problema tiġi indirizzata permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jiġu elenkati tnax-il qasam fejn il-politiki fil-livell Komunitarju jistgħu jkunu ta’ benefiċċju (p. 15-17, op. cit.)

(7)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi d-drittijiet fundamentali riżervati għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet ekonomiċi u soċjali kif imħabbra fil-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa u fil-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.

(8)  UBS Investment Research, “Euro Break-up – the consequences”, www.ubs.com/economics, Settembru 2011.

(9)  Sfortunatament, il-frażi rinomata li Henry Kissinger qal fis-sebgħinijiet: “Lil min għandi nċempel jekk irrid nitħaddet mal-Ewropa?” illum il-ġurnata hija attwalità.

(10)  Vause N., von Peter G. (2011), “Euro Area Sovereign Crisis Drives Global Markets” (Il-kriżi tad-dejn pubbliku taż-żona tal-eura tiddetermina l-iżviluppi fis-swieq globali), BIS Quartely Review, Diċembru 2011, http://www.bis.org/publ/qtrpdf/r_qt1112a.pdf#page=4

(11)  Heuninckx B. (2008), “A Primer to Collaborative Defence Procurement in Europe: Troubles, Achievements and Prospects”, (Introduzzjoni għall-akkwist kollaborattiv fis-settur tad-difiża: problemi, kisbiet u prospetti) “Public Procurement Law Review”, Volum 17, Ħarġa 3.

(12)  Barra minn hekk, din iċ-ċifra hija aktar baxxa minn dik tal-2009. Data tad-Difiża: L-Istati Membri parteċipanti fl-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fl-2010, 18 ta’ Jannar 2012.

(13)  Ara pereżempju: Dufour N. et al. (2005), “Intra-Community Transfers of Defence Products”, Unisys.

(14)  Fouarge, D., “The Cost of non-Social Policy: Towards an Economic Framework of Quality Social Policies - and the Cost of not Having Them” (Il-prezz tan-nuqqas ta’ politika soċjali: lejn qafas ekonomiku ta’ politiki soċjali ta’ kwalità – u l-prezz li ma jkunx hemm dawn il-politiki), Rapport għad-DĠ għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali, 2003, Brussell.

(15)  Rigward ir-rabta bejn l-inugwaljanzi u l-benesseri, ara xogħol Wilkinson u Pickett (2009) “The Spirit Level. Why Equal Societies Almost Always Do Better”, Allen Lane, Londra.

(16)  Nistgħu nsemmu l-eżempju tal-KEFA li l-iżmantellar tagħha ħaffef il-proċess tad-deterjorament tal-industrija Ewropea tal-azzar jew inkella d-dewmien konsiderevoli li ġarrab il-proġett Galileo li kellu jiffaċċja diffikultajiet ta’ governanza u ta’ finanzjament minħabba n-nuqqas ta’ tmexxija tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell Ewropew.

(17)  Pereżempju, f’dawk li għandhom x’jaqsmu r-regolamenti u l-programmi ta’ finanzjament tal-politiki tal-enerġija fil-livell nazzjonali.

(18)  Filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona kienet tipprevedi nfiq għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ anqas minn 3 % tal-PDG, l-infiq tal-UE bħalissa aktarx huwa ta’ 1,84 % kontra 3 % fl-Istati Uniti u 8 % fiċ-Ċina.

(19)  Dikjarazzjoni Komuni ta’“Notre Europe” u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-għan ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija – 21 ta’ Frar 2012.

(20)  Wieħed mill-eżempji reċenti s’issa huwa sensiela ta’ ftehimiet konklużi bejn il-Ġermanja u ċ-Ċina fis-27 ta’ Lulju 2011 dwar ir-riċerka u l-investimenti fit-teknoloġiji ekoloġiċi, b’mod partikolari l-vetturi elettriċi u s-sistema ta’ qbid u ħżin tal-karbonju (Peel Q., Anderlini J., “China and Germany launch green initiative”, The Financial Times, 28 ta’ Lulju 2011).

(21)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Il-bini tal-ERA tal-għarfien għat-tkabbir ekonomiku”, COM(2005) 118 final, 6 ta’ April 2005.

(22)  Syndex, “Politika industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju bħala mezz ta’ ħruġ mill-kriżi”, rapport imwettaq għall-KESE, Marzu 2012, Brussell.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-483 sessjoni plenarja tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012

15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-eliminazzjoni tal-ostakoli transkonfinali marbuta mat-taxxa fuq il-wirt fl-UE”

COM(2011) 864 final

2012/C 351/09

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – L-eliminazzjoni tal-ostakoli transkonfinali marbuta mat-taxxa fuq il-wirt fl-UE

COM(2011) 864 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Iċ-ċittadini tal-UE li jirtu assi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom ta’ spiss jiffaċċjaw taxxi f’żewġ Stati Membri differenti jew iżjed (jiġifieri taxxa doppja jew multipla) u diskriminazzjoni fiskali. Dawn il-problemi ta’ spiss jimponu diffikultajiet eċċessivi fuq iċ-ċittadini u jxekklu t-tilħiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Bil-għan li tindirizza dawn il-problemi, il-Kummissjoni ressqet Komunikazzjoni fl-2011, li hija akkumpanjata minn Rakkomandazzjoni.

1.2

Il-KESE jaqbel mat-tneħħija tat-taxxa doppja/multipla u t-taxxa diskriminatorja, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ adottat mill-Kummissjoni li jirrispetta s-sovranità tat-taxxa tal-Istati Membri individwali, filwaqt li jitlob li jkun hemm interkonnessjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali tat-taxxa.

1.3

Madankollu, fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni tista’ tkun iżjed effettiva biex tilħaq l-għanijiet finali ta’ dan il-proċess billi:

tipproponi u timplimenta mekkaniżmi prattiċi li, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, jiżguraw li jkun hemm interkonnessjoni aħjar bejn s-sistemi nazzjonali tat-taxxa f’dak li jirrigwarda t-taxxi fuq il-wirt, filwaqt li tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u joperaw mekkaniżmi ta’ ħelsien mit-taxxa doppja/multipla b’mod iżjed effettiv u flessibbli;

tuża mekkaniżmi leġislattivi sabiex telimina b’mod effettiv it-taxxa doppja/multipla fuq il-wirt taċ-ċittadini tal-UE;

tmur lil hinn mill-kwistjonijiet ta’ taxxa transkonfinali biex tindirizza l-effetti li potenzjalament joħolqu distorsjoni minħabba d-differenzi fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa fuq il-wirt minn ġurisdizzjonijiet nazzjonali differenti dwar it-taxxi, billi tistabbilixxi prinċipji komuni li jiġu applikati fl-UE kollha, fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet ġusti tal-assi netti, u li jħarsu l-unità tan-negozju bħala intrapriża operattiva;

tippromovi b’mod attiv sistemi tat-taxxa iżjed effiċjenti u effettivi u li jqisu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, li tkun tinvolvi l-inqas piż possibbli fuq il-kontribwenti;

tanalizza l-kwistjonijiet li jolqtu ċ-ċittadini tal-UE minħabba t-taxxi globali fuq il-wirt transkonfinali;

teżamina l-possibbiltà li tissemplifika t-taxxa fuq il-wirt f’sitwazzjonijiet transkonfinali permezz ta’ sistema li timponi t-taxxa darba waħda biss f’punt uniku ta’ tassazzjoni ddeterminat skont fejn ikunu jinsabu l-assi;

1.4

L-Osservatorju tat-Tassazzjoni tal-UE, li t-twaqqif tiegħu taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni kien issuġġerit f’għadd ta’ Opinjonijiet tal-KESE (1) biex jittratta taxxi multipli u diskriminatorji, jista’ jservi bħala l-istrument li permezz tiegħu jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn fuq.

2.   Kontenut u sfond tal-proposta

2.1

Iċ-ċittadini tal-UE li jirtu proprjetà barranija ta’ spiss jiffaċċjaw kont tat-taxxa minn iżjed minn Stat Membru wieħed (taxxa multipla). Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri jintaxxaw il-wirt barrani ferm iżjed milli dak lokali (diskriminazzjoni fiskali). F’dawn il-każijiet, iċ-ċittadini jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet eċċessivi meta jirtu. B’mod partikolari, l-intrapriżi ż-żgħar jista’ jkollhom diffikultajiet marbuta mat-trasferiment meta jmutu s-sidien ta’ dawn l-intrapriżi.

2.2

Jeżistu rimedji legali biex jipproteġu ċ-ċittadini fil-konfront tad-diskriminazzjoni fiskali. Iżda, dawn ta’ spiss ma jkunux effettivi minħabba l-ispejjeż esaġerati. Ma jeżisti l-ebda rimedju legali li jipproteġi ċ-ċittadini fil-konfront ta’ taxxa multipla, minħabba d-drittijiet ta’ għadd ta’ Stati Membri li jimponu t-taxxi (2).

2.3

Dan kollu qed jiġri fi żmien meta n-numru taċ-ċittadini tal-UE li qed jiċċaqilqu minn pajjiż għal ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea żdied bi 3 miljun ruħ għal 12,3 miljun ruħ bejn l-2005 u l-2010, u s-sjieda tal-proprjetà immobbli transkonfinali fl-UE żdiedet sa 50 % bejn l-2002 u l-2010 (3). Hemm ukoll żieda sostanzjali fit-tendenza ta’ investimenti transkonfinali f’portafolli. Minkejja li ċ-ċittadini jistgħu jintlaqtu ħafna mit-taxxi multipli jew diskriminatorji fuq il-wirt, id-dħul tal-Istati Membri tal-UE mit-taxxi fuq il-wirt jirrappreżenta inqas minn 0,5 % tad-dħul kollu mit-taxxa, u terġa’ u tgħid, il-każijiet transkonfinali jirrappreżentaw ferm inqas.

2.4

Din is-sitwazzjoni hija ostaklu serju għall-moviment liberu tal-persuni u l-kapital fi ħdan is-Suq Uniku, u b’hekk qed twaqqaf milli jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Tikkontradixxi wkoll b’mod dirett id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

2.5

Il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni li takkumpanjaha, li ġew ippubblikati mill-Kummissjoni u li jirrappreżentaw tentattiv biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, għandhom l-għan li:

jissolvew il-problemi marbuta mat-taxxa fuq il-wirt transkonfinali mingħajr ma ssir l-ebda armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar it-taxxa fuq il-wirt;

it-taxxa multipla tiġi indirizzata permezz ta’ interazzjoni iżjed effiċjenti tal-oqfsa nazzjonali tat-taxxi minn sistema għall-ħelsien mit-taxxi mħallsa f’pajjiżi oħra li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri differenti li jistgħu jikklejmjaw id-dritt li jimponu din it-taxxa;

fil-każ tal-proprjetà immobbli, l-Istat Membru fejn jinsab l-assi jkollu l-ewwel drittijiet tat-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa għandu jingħata mill-Istati Membri l-oħra involuti;

fil-każ tal-assi mobbli marbutin ma’ sistemazzjoni permanenti fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jkollu l-ewwel drittijiet tat-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa jingħata minn Stati Membri oħra fir-rigward tal-piżijiet tat-taxxa imposti fl-ewwel Stat Membru;

il-preferenza tingħata lill-pajjiż tal-persuna deċeduta li jkollu d-drittijiet tat-taxxa u mhux lill-pajjiż tal-werriet li għandu jagħti l-kreditu għat-taxxa mħallsa fil-pajjiż tal-persuna deċeduta;

regoli determinanti jistabbilixxu ma’ liema pajjiż il-persuna deċeduta, jew l-eredi tagħha, kellu l-eqreb rabtiet f’każijiet fejn il-persuna deċeduta jew l-eredi tagħha kellha rabtiet ma’ iżjed minn pajjiż wieħed abbażi tad-domiċilju, ir-residenza abitwali u n-nazzjonalità tagħhom;

il-każijiet ta’ diskriminazzjoni fiskali huma indirizzati f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (4) bil-għan li ċ-ċittadini u l-Istati Membri jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi mixtieqa tat-taxxa nondiskriminatorja fuq il-wirt permezz ta’ eżempji mill-ġurisprudenza, biex b’hekk ikunu iżjed konxji tar-rimedji legali disponibbli.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jaqbel li għandha tiġu indirizzata t-taxxa multipla u diskriminatorja, sabiex jiġu difiżi d-drittijiet taċ-ċittadini u jiġi promoss is-Suq Uniku. Il-KESE enfasizza dan permezz ta’ għadd ta’ Opinjonijiet u, b’mod partikolari, jirrakkomanda t-tneħħija tat-taxxa multipla u diskriminatorja għaċ-ċittadini, kif ukoll it-tisħiħ tas-semplifikazzjoni amministrattiva f’sitwazzjonijiet transkonfinali (5).

3.2

Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-eliminazzjoni tal-ostakoli transkonfinali marbuta mat-taxxa fuq il-wirt fl-UE” peress li dan id-dokument:

jirrikonoxxi l-problemi li jolqtu l-iżjed liċ-ċittadini u lin-negozji ż-żgħar, iżda għandhom impatt limitat ħafna mill-perspettiva tal-prestazzjoni fiskali nazzjonali;

jissuġġerixxi modi li bihom l-Istati Membri jagħtu ħelsien mit-taxxa f’każijiet ta’ taxxa multipla;

jipprovdi informazzjoni li tista’ tkun siewja għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni fiskali.

3.3

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ adottat fil-Komunikazzjoni li jirrispetta s-sovranità tat-taxxa tal-Istati Membri individwali u jagħtihom parir ifittxu iżjed koerenza fi ħdan l-oqfsa tat-taxxa fil-livell nazzjonali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Madankollu, fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni tista’ tkun iżjed effettiva biex tilħaq l-għanijiet finali ta’ dan il-proċess billi:

tevoka u tinforza mekkaniżmi leġislattivi sabiex telimina b’mod effettiv id-diskriminazzjoni fiskali relatata mal-wirt bejn iċ-ċittadini tal-UE, mingħajr ma dan jiġi kkunsidrat bħala ksur tas-sovranità nazzjonali fil-kwistjonijiet tat-taxxa, iżda sempliċement bħala prinċipju fundamentali tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jkollhom assi transkonfinali;

tipproponi u timplimenta mekkaniżmi prattiċi li jiżguraw, fi żmien raġonevoli, l-interazzjoni effiċjenti bejn is-sistemi tat-taxxa fil-livell nazzjonali: l-approċċ li sempliċement jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni minn Stati Membri individwali jista’ jitqies bħala mhux effettiv biżżejjed fil-prattika – huwa rikonoxxut li tkun ħaġa tajba wkoll, kif qed tipproponi l-Kummissjoni, li l-Istati Membri individwali, bla telf ta’ żmien jitħeġġu joperaw mekkaniżmi differenti ta’ ħelsien mit-taxxa b’mod iżjed effettiv u flessibbli, mentri l-Kummissjoni tosserva l-iżviluppi tul it-tliet snin li ġejjin bil-għan li tadotta pożizzjoni iżjed b’saħħitha permezz ta’ Direttiva, jekk dan ikun meħtieġ;

fuq perjodu itwal ta’ żmien u minn perspettiva usa’ li tmur lil hinn mill-kwistjonijiet ta’ taxxa transkonfinali, it-twessigħ tal-ambitu tagħha dwar it-taxxa fuq il-wirt sabiex jiġu inklużi l-effetti li potenzjalment jikkawżaw distorsjoni minħabba d-differenzi fil-mod li l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tat-taxxa jikkalkulaw il-bażi tat-taxxa fuq il-wirt, b’mod li jirrispetta s-sovranità tat-taxxa fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari b’relazzjoni għall-istabbiliment tar-rati tat-taxxa, iżda filwaqt li jkun soġġett għall-prinċipji komuni li jirregolaw il-mod li jiġu kkunsidrati l-bażijiet tat-taxxa fuq il-wirt fl-Istati Membri kollha li, idealment, jissejsu fuq prinċipji ġusti ta’ stimi tal-valur nett tal-assi u jħarsu l-unità tan-negozju bħala intrapriża operattiva;

tanalizza l-iskala u l-implikazzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet ta’ nontassazzjoni multipla permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji sofistikati; f’dan ir-rigward, il-KESE jistenna bil-ħerqa li l-Kummissjoni tniedi konsultazzjonijiet u inizjattivi oħra;

tippromovi b’mod attiv sistemi tat-taxxa iżjed effiċjenti u effettivi u li jqisu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, li jirreaġixxu fil-ħin u b’mod sensibbli, speċjalment fi ħdan il-proċeduri ta’ spiss twal u kkumplikati involuti fi kwistjonijiet relatati mat-taxxa fuq il-wirt, u li jinvolvu l-inqas piż possibbli fuq il-kontribwenti;

tanalizza sa liema punt iċ-ċittadini tal-UE qed jintlaqtu ħażin minn kwistjonijiet ta’ taxxa transkonfinali fuq il-wirt f’livell globali, l-implikazzjonijiet ta’ dan u s-soluzzjonijiet potenzjali;

teżamina l-possibbiltà li tissemplifika t-taxxa fuq il-wirt f’sitwazzjonijiet transkonfinali permezz ta’ sistema li timponi t-taxxa darba waħda biss f’punt uniku ta’ tassazzjoni ddeterminat skont fejn ikunu jinsabu l-assi.

4.2

Il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkunsidra li t-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet jagħmel parti mill-mandat ta’ Osservatorju tat-Tassazzjoni tal-UE, li t-twaqqif tiegħu taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni kien issuġġerit f’Opinjonijiet tal-KESE li jindirizzaw it-taxxa multipla u diskriminatorja (6). L-Osservatorju jista’ jikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet iżjed effettivi għall-ostakli tat-taxxa fuq il-wirt fuq bażi kontinwa permezz ta’ riċerka u investigazzjonijiet, u jipprovdi forums għall-konsultazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-ftehim bejn ġurisdizzjonijiet nazzjonali tat-taxxa differenti.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fosthom, l-Opinjoni tal-KESE dwar “Bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB)”, ĠU C 24, 28.01.2012, p. 63; l-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE”, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 95; u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa doppja fis-Suq Uniku”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 40 (ECO/304).

(2)  Il-kawża Block (C-67/08).

(3)  Copenhagen Economics Study on Inheritance Taxes in EU Member States and Possible Mechanisms to Resolve problems of Double Inheritance Taxation in the EU (Studju tal-Copenhagen Economics dwar it-taxxi fuq il-wirt fl-Istati Membri tal-UE u l-mekkaniżmi possibbli biex jissolvew il-problemi ta’ taxxa doppja fuq il-wirt fl-UE), Awwissu 2010.

(4)  SEC(2011) 1488.

(5)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”

COM(2011) 870 final

2012/C 351/10

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Korelatur: is-Sur LANNOO

Nhar is-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

COM(2011) 870 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fi żmien meta ħafna pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw prospetti ekonomiċi inċerti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jista’ jinkiseb biss jekk il-politika dwar l-SMEs tkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda tal-persuni li jiddeċiedu dwar il-politika fl-Ewropa. Għalhekk, huwa jappoġġja b’mod ċar l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex tkun strument li jista’ jintuża mill-ekonomija reali.

1.2   Il-KESE jinnota li l-azzjonijiet dedikati ma jistgħux ikunu ta’ suċċess mingħajr l-involviment ċar mill-Istati Membri. Għalhekk, il-KESE jistedinhom jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni u jiftħu kull mekkaniżmu possibbli ta’ appoġġ għall-finanzi tal-SMEs billi jiffokaw fuq il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw fondi ta’ garanzija u jagħmlu użu aħjar mill-fondi strutturali għall-istrumenti finanzjarji.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-finanzjament bis-self għadu u jibqa’ wieħed mill-istrumenti li jintużaw l-iktar għall-iżvilupp tal-SMEs. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri regolatorji u finanzjarji li għandhom l-għan li jsaħħu l-finanzjament tad-dejn u jiżguraw l-istrumenti għat-tkabbir tal-SMEs.

1.4   Il-Kumitat jisħaq li l-proposti ta’ Basel III għandhom jiġu implimentati b’mod korrett fl-Ewropa bid-Direttiva CRD IV mistennija, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-finanzjament tal-ekonomija reali.

1.5   Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-kapital ta’ riskju fl-Ewropa. Hija ħaġa essenzjali li s-suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju jingħata impetu ġdid deċiżiv bil-għan li jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq u l-ostakli regolatorji, biex b’hekk il-qasam tal-kapital ta’ riskju jsir iżjed attraenti għall-investituri privati.

1.6   L-SMEs Ewropej huma varjati u eteroġenji. L-inizjattivi biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għandhom jikkonsistu f’portafoll sħiħ ta’ miżuri diversi u innovattivi biex dan il-grupp ta’ atturi diversi jintlaħaq b’mod effettiv filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. L-intrapriżi soċjali u l-professjonijiet liberi, pereżempju, għandhom forom legali u mudelli ta’ tħaddim differenti mill-intrapriżi “tradizzjonali”, ħaġa li tikkomplika iżjed l-aċċess tagħhom għall-finanzi billi dawn il-forom jew mudelli mhux dejjem ikunu rikonoxxuti jew jinfiehmu mill-atturi finanzjarji.

1.7   Il-kapital ibridu, li jirrappreżenta alternattiva għas-self bankarju, għandu jissaħħaħ ukoll. L-introduzzjoni ta’ atturi finanzjarji ġodda għandha tiġi appoġġjata, bħalma għandha tiġi appoġġjata wkoll l-introduzzjoni ta’ intermedjarji ġodda li jipprovdu kemm soluzzjonijiet finanzjarji innovattivi kif ukoll parir kummerċjali. Il-crowd funding huwa eżempju tajjeb biex insemmuh hawnhekk u s-servizzi bankarji parteċipattivi jistgħu jservu bħala għażla oħra li tista’ tiġi kkunsidrata.

1.8   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-grupp tal-BEI, f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jaqdi rwol ewlieni fl-investiment fl-SMEs, permezz ta’ firxa sħiħa ta’ strumenti ġenerali u mmirati. Fir-rigward tas-self mill-BEI għall-SMEs, l-intermedjarji tal-BEI huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu din l-iskema finanzjarja lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

1.9   Il-KESE jieħu nota tal-proposta għas-semplifikazzjoni u għal aktar trasparenza tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM). Il-KESE jappoġġja l-proposti għax dawn iż-żewġ skemi għandhom effett ta’ lieva kbir.

1.10   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li trawwem id-djalogu bejn id-diversi partijiet interessati sabiex jiġu monitorjati l-iżviluppi fis-suq u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-KESE jittama li jiġi mistieden b’mod regolari għall-Forum dwar il-Finanzjament tal-SMEs biex jiddiskuti u jippreżenta proposti konkreti dwar kif jistgħu jittaffew il-problemi finanzjarji tal-SMEs.

1.11   Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-taħriġ speċifiku għall-intraprendituri, bħall-programmi tal-prontezza tal-investituri, għandu jiġi stimulat.

1.12   Il-KESE jenfasizza li l-programmi Ewropej li jappoġġjaw il-finanzi tal-SMEs li jiġu implimentati permezz ta’ intermedjarji Ewropej, nazzjonali jew reġjonali għandhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati iżjed faċilment mill-SMEs. Proċeduri trasparenti, li jinfiehmu u li jkunu konsistenti fil-livelli kollha lkoll jirrappreżentaw it-triq li twassal għas-suċċess.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi l-ostakli ewlenin biex jiġu stimulati l-finanzi għall-SMEs. Fosthom:

l-aċċess għas-self;

l-aċċess għall-kapital ta’ riskju;

l-aċċess għas-swieq tal-kapital.

2.2   Barra minn hekk, id-dokumenti jiddeskrivu l-miżuri li ttieħdu bejn l-2007 u l-2012 biex jiġi żgurat li l-fondi jilħqu l-SMEs. Dawn kienu:

il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP);

l-allokazzjoni tal-BEI għas-self lill-SMEs;

il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni;

l-istrument ta’ Kondiviżjoni tar-Riskji fis-Seba’ Programm Kwadru.

2.3   Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta’ miżuri biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament għall-SMEs. Dawn jinkludu:

miżuri regolatorji;

miżuri finanzjarji biex jittejbu s-self u l-kapital ta’ riskju fl-UE kollha kemm hi;

miżuri biex jittejjeb l-ambjent għall-SMEs.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti ġenerali

3.1   Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jippubblika fuq bażi regolari r-riżultati tal-“Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fiż-żona tal-euro (1). Skont ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ, bejn Ottubru 2011 u Marzu 2012, il-bżonn ta’ finanzjament estern min-naħa tal-SMEs fiż-żona tal-euro żdied. Fl-istess ħin, ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-aċċess għas-self mill-banek baqa’ sejjer għall-agħar, iżda kien hemm differenzi bejn l-Istati Membri (2). B’kollox, il-kumpaniji rrapportaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar rigward id-disponibbiltà tas-self mill-banek. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istħarriġ jindikaw rati ta’ ċaħda kemxejn ogħla fost l-applikazzjonijiet għas-self. Sadattant, il-persentaġġ ta’ persuni li wieġbu li l-aċċess għall-finanzi kienet il-problema ewlenija tagħhom baqa’ ftit jew wisq l-istess. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-modi alternattivi għall-aċċess għall-finanzjament ikunu jistgħu jiġu sfruttati kompletament.

3.2   Il-KESE jenfasizza li kull studju għandu jiġi segwit bir-reqqa sabiex ikun hemm rispons malajr billi jiġu proposti miżuri ta’ politika speċifiċi. L-informazzjoni disponibbli fil-Forum tal-Finanzjament tal-SMEs, fl-Istati Membri u fl-organizzazzjonijiet tal-SMEs tista’ tikkomplementa dan is-segwitu. Dan l-eżerċizzju għandu jitwettaq mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-KESE u tas-soċjetà ċivili.

3.3   Il-KESE jappoġġja l-istudju li l-Kummissjoni qed twettaq biex tiġi valutata d-definizzjoni tal-SMEs u jitlob b’mod speċjali li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrokumpaniji u l-kumpaniji ż-żgħar. Fid-dawl tad-diversità u d-daqs tal-SMEs (3) (l-intrapriżi tal-familji, il-professjonijiet liberi u l-intrapriżi soċjali, biex insemmu xi wħud), il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li t-tfassil ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju adattat speċifikament għalihom għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-Kummissjoni hija mitluba tqis il-karatteristiċi differenti tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-mikrointrapriżi, hija u tfassal il-programmi finanzjarji biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tevita kwalunkwe diskriminazzjoni għax m’hemm l-ebda risposta ta’ daqs wieħed għal kulħadd għall-bżonnijiet tagħhom.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri regolatorji

4.1   Ir-regolazzjoni tal-kapital ta’ riskju

4.1.1

Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ reġim armonizzat għat-transazzjonijiet transkonfinali mill-fondi tal-kapital ta’ riskju. Din il-proposta hija waħda rakkomandabbli peress li hemm ċans tajjeb li ttaffi n-nuqqasijiet tas-suq bis-saħħa ta’ “Passaport Ewropew” li jippermetti lill-fondi tal-kapital ta’ riskju fl-UE jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq u joħolqu kapital fuq bażi pan-Ewropea. Il-KESE għamel għadd ta’ kummenti fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-kapital ta’ riskju (4) u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidrahom.

4.1.2

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-istudju li l-Kummissjoni ser twettaq fl-2012 dwar ir-relazzjoni bejn ir-regolazzjoni prudenzjali u l-investimenti fil-kapital ta’ riskju mill-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. L-istudju għandu janalizza jekk dawn l-istrumenti humiex qed joħolqu oligopolija ta’ banek internazzjonali kbar jew jekk għandhomx jinbidlu fil-perjodu l-medju jew qasir.

4.1.3

Billi l-maġġoranza tal-SMEs huma intrapriżi żgħar (inqas minn 10 impjegati), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-mikrofondi ta’ kapital ta’ riskju. Dawn il-fondi jinvestu f’intrapriżi li l-proġetti tagħhom ma jkunux attraenti biżżejjed biex jiġbdu l-attenzjoni tal-kapitalisti ta’ riskju tradizzjonali imma jkunu kbar wisq jew riskjużi wisq biex jattiraw il-kapital mis-sorsi tradizzjonali tas-self. Dawn it-tip ta’ fondi jsaħħu l-bażi kapitali ta’ kumpanija u jiżviluppaw il-ħiliet kummerċjali tal-intraprendituri billi jużaw metodi ta’ kowċing matul il-perjodu tal-investiment (5). L-Istati Membri huma mistiedna jipproponu strumenti bħal miżuri speċifiċi ta’ tassazzjoni li jistgħu jistimolaw l-iżvilupp ta’ dawn il-fondi biex jingħalaq id-distakk finanzjarju.

4.2   Ir-riformi fiskali

4.2.1

Nilqgħu l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi fiskali għall-investimenti transkonfinali tal-kapital ta’ riskju. Fl-istess ħin, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri ċari għall-prevenzjoni tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.

4.2.2

Filwaqt li tindirizza l-ostakli fiskali għat-transazzjonijiet transkonfinali, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-Istati Membri jħeġġu r-riforma fiskali f’pajjiżhom stess għall-iskemi ta’ finanzjament tal-SMEs.

4.2.3

Il-prattiki tajbin li jeżistu f’xi Stati Membri għandhom jiġu esplorati u estrapolati għal-livell pan-Ewropew u jinxterdu fost l-SMEs (6). F’għadd ta’ pajjiżi diġà ġew stabbiliti pakketti ta’ stimolu fiskali. Fost l-eżempji nsibu l-Belġju/Fjandri fejn ftit tas-snin ilu ġie introdott win-win-loan: individwi jistgħu jsellfu flus lill-SMEs u meta jagħmlu dan jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali. Is-sistema fil-Pajjiżi l-Baxxi, magħrufa bħala t-Tante Agaath regeling  (7), hija eżempju ieħor.

4.2.4

L-eżenzjonijiet fiskali bħal-liġi Franċiża ISF PME  (8) jistgħu jkunu ta’ benefiċċju ġenwin għall-SMEs b’rata għolja ta’ tkabbir. Il-KESE huwa favur skemi bħal dawn sakemm l-ammont eżentat mit-taxxa jkun raġonevoli u ma jolqotx il-kontribuzzjonijiet għal setturi li jkunu daqstant importanti.

4.3   Ir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat

4.3.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta prevista dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat biex jiġu semplifikati r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs. Huwa jinnota li l-Kummissjoni ser tivvaluta r-Regolament tal-Eżenzjoni tal-kategorija u għadd ta’ linji gwida tal-għajnuna mill-Istat, inklużi dawk relatati mal-kapital ta’ riskju, sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jħeġġeġ li dawn ir-regoli jiġu mtejba, semplifikati u ċċarati. Il-Kumitat tagħna jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mill-Istat tintuża biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq.

4.4   Is-swieq tal-SMEs u SMEs elenkati fil-Borża iktar viżibbli

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-direttiva MIFID tipproponi l-iżvilupp ta’ swieq ta’ tkabbir omoġenji tal-SMEs u li jsiru iktar attraenti għall-investituri bis-saħħa ta’ tikketta ta’ suq ta’ tkabbir tal-SMEs. Madankollu, il-KESE jissuġġerixxi (9) li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet u miżuri speċifiċi li jippermettu li tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effettiv.

4.5   Il-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża

4.5.1

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jnaqqsu r-regoli tal-kontabilità u l-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża fl-Ewropa. Il-Kumitat jagħraf il-fatt li l-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva li tissemplifika u temenda d-Direttivi dwar il-Kontabilità u fl-istess ħin, proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni tadotta ż-żewġ Opinjonijiet tiegħu li ħareġ fil-bidu tal-2012 (10) u huwa tal-fehma li l-SMEs għandhom jirrilaxxaw ir-riżorsi biex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom b’tali mod li jżidu t-tkabbir.

4.6   L-implimentazzjoni futura ta’ Basel III u l-konsegwenzi għall-finanzjament tal-SMEs

4.6.1

L-UE għandha tkompli tkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji finanzjarji miftiehma fil-livell internazzjonali. Madankollu, il-KESE jinnota li d-diversi rekwiżiti ta’ kapital għall-implimentazzjoni ta’ Basel III fl-UE li deħlin fis-seħħ u li qed jiġu diskussi bħalissa (CRD IV/CRR) jistgħu jikkawżaw diversi problemi għall-SMEs (11).

4.6.2

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri. Madankollu, dan ifisser ukoll li ma jistgħux jiddaħħlu iżjed regolamenti għas-swieq finanzarji għad-detriment tal-finanzjament tal-SMEs. Il-KESE jappoġġja għal kollox ir-Rapport Karas, adottat mill-Parlament Ewropew f’Mejju 2012, li jirrappreżenta pass ieħor fit-triq it-tajba lejn implimentazzjoni għaqlija u fattibbli fl-UE tar-regoli dwar ir-rekwiżiti kapitali ta’ Basel III.

4.6.3

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ser tikkonsulta lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida (CRD IV) u li l-ABE ser tirrapporta dwar is-self lill-SMEs u lill-persuni fiżiċi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun involuta bis-sħiħ fil-valutazzjoni mill-ġdid tal-piż tar-riskju billi tesprimi l-fehma tagħha dwar ir-rapport li għandu jintbagħat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

4.7   Id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard

4.7.1

Il-Kummissjoni tipprevedi li din id-Direttiva tiġi implimentata sas-16 ta’ Marzu 2013. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw iżjed malajr mis-sistema. Huwa ferm importanti wkoll li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib ħafna l-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 4(5), li jagħtihom il-possibbiltà li jtawlu l-proċedura ta’ verifika sa iktar minn 30 jum, sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-Istati Membri sabiex iżżommhom milli jużaw dan l-Artikolu biex idewmu l-ħlas b’mod artifiċjali, speċjalment billi d-dewmien fil-ħlasijiet mill-awtoritajiet pubbliċi għandu impatt konsiderevoli fuq il-fluss tal-flus u l-ġestjoni tal-likwidità tal-SMEs.

4.7.2

Sabiex jagħtu l-eżempju, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej iħallsu lill-kuntratturi tagħhom fil-ħin u jevitaw li jimponulhom piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla bżonn.

4.8   Il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej

4.8.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej u jfakkar lill-Kummissjoni li t-titjib tal-aċċess għal kapital adatt għall-intrapriża soċjali għandu jkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda. Il-KESE esprima l-fehma (12) tiegħu dwar din il-kwistjoni fil-bidu tal-2012. Waħda mill-isfidi hija l-bżonn li jitkejlu u jiġu rapportati l-effetti soċjali u l-impatt fuq is-soċjetà tal-impriżi tal-portafolji. Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju konġunt fil-livell tal-UE sabiex jiġu żviluppati kriterji u indikaturi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li fondi ta’ dan it-tip jistgħu jkunu biss għodda waħda fost bosta strumenti finanzjarji ferm meħtieġa li għad iridu jiġu żviluppati.

4.8.2.

Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex itejbu r-rikonoxximent ta’ diversi forom ta’ intrapriżi soċjali. B’rikonoxximent ikbar, dawn l-intrapriżi jaraw tnaqqis fil-piż tar-riskju għas-self li jingħatalhom u ma jibqgħux żvantaġġati f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-intrapriżi tradizzjonali.

5.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri finanzjarji tal-UE għall-SMEs

5.1   Il-Kumitat huwa konxju sew li għadd kbir ta’ SMEs, b’mod partikolari iż-żgħar, ser ikomplu jiddependu l-iktar fuq il-kreditu fir-rigward tal-finanzjament estern.

5.2   Il-KESE jilqa’ l-attività sostnuta tas-self mill-BEI għall-SMEs bħala waħda mill-istrumenti ewlenin ta’ self lill-SMEs fil-livell tal-UE, u jagħraf il-vantaġġi finanzjarji li jgħaddu lill-SMEs biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-self permezz ta’ dan is-self intermedju. Il-KESE jistieden lill-BEI jkompli bl-implimentazzjoni effettiva tagħhom u biex jirrapporta regolarment dwar ir-riżultati li jinkisbu. Sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija, il-banek intermedjarji huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu dan is-self b’mod aħjar lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

5.3   Huwa daqstant importanti li tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ intermedjarji, li f’ħafna każijiet ikunu iktar adatti għad-diversità tal-SMEs. L-esperjenzi mis-setturi tal-kooperattivi u tas-servizzi bankarji soċjali huma siewja, peress li joffru appoġġ finanzjarju adattat li ħafna drabi jkun abbinat ma’ servizzi oħra ta’ appoġġ.

5.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-investimenti tal-ekwità u l-kważi-ekwità, f’kooperazzjoni stretta mal-grupp tal-BEI, u biex tappoġġja l-ħruġ ta’ bonds korporattivi komuni (pooled). Fir-rigward tas-suq tal-kważi-ekwità, il-KESE jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni u l-grupp tal-BEI biex jesploraw modi kif jistgħu jtejbu l-finanzjament intermedju u biex iħarsu lejn prodotti intermedji ġodda, bħala garanzija għas-self intermedju.

5.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tkompli bil-promozzjoni tal-iskemi finanzjarji tal-UE mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs sabiex tiżgura iżjed viżibbiltà u adozzjoni rapida għal dawn l-istrumenti, speċjalment għall-Istati Membri li għadhom lura. Billi l-finanzjament effettiv tal-SMEs jista’ jitqies bħala waħda mill-iktar għodod importanti fil-Patt tat-Tkabbir, is-suġġett għandu jiġi indirizzat b’mod adatt fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

5.6   Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċifika biex jiġu appoġġjati l-SMEs permezz tal-istrumenti ta’ ekwità u dejn provduti mill-Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020. Il-KESE jappoġġja ħafna li jiżdied il-livell limitu massimu stipulat mill-faċilità tal-garanzija tas-self f’COSME (EUR 150 000) kif diġà ġie stabbilit fl-Opinjoni preċedenti tagħna dwar il-Programm tal-Kompetittività (13).

5.7   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni li jipprovdu għal implimentazzjoni mingħajr xkiel u effiċjenti tal-programmi tal-SMEs billi l-qafas attwali mhuwiex suffiċjenti biex jintlaħaq dan il-għan. Il-KESE jiddispjaċih li r-regolamenti finanzjarji tal-UE bħalissa huma wisq tqal jew wisq kumplessi, u għalhekk qed joħolqu problemi għall-intermedjarji nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tagħhom. Hemm tassew bżonn ċar għal monitoraġġ aħjar tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni (14).

5.8   Hija ħaġa importanti wkoll li jkun hemm bidla mill-finanzjament tal-proġetti għal strumenti ta’ finanzjament sostenibbli biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi. Hawnhekk il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-prattika tajba fit-taħlit u l-proporzjonar ta’ dejn u ekwità tal-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SME.

5.9   Il-KESE jieħu nota tal-proposta biex jiġi faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fit-tul bi strumenti finanzjarji ġodda (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM) fil-forma ta’ pjattaformi dedikati. Bil-ġbir ta’ riżorsi minn diversi sorsi, il-KESE jikkalkula li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu katalista għall-investimenti għal-lakuni identifikati fis-suq, jistgħu jinkisbu ekonomiji ta’ skala u/jew jiġi minimizzat ir-riskju ta’ falliment f’oqsma fejn ikun diffiċli biex l-Istati Membri individwali jiksbu l-massa kritika meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strumenti finanzjarji fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li nsiltu mill-istrumenti eżistenti (strumenti finanzjarji tas-CIP, RSFF). Huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli, gwidi u standardizzazzjoni adatti b’konformità mar-rekwiżiti tas-suq u l-aħjar prattika, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu semplifikati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu promossi l-effiċjenza u d-dixxiplina finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u l-governanza tajba adegwati lkoll huma tal-ikbar importanza biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE jintużaw għall-iskop previst.

6.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri għat-titjib tal-ambjent għall-SMEs

6.1   Informazzjoni u komunikazzjoni aħjar għall-SMEs

6.1.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta biex tiżdied l-informazzjoni għall-intermedjarji finanzjarji u biex il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu mħeġġa jipprovdu lill-klijenti tagħhom bl-għodod kollha meħtieġa biex jgħinuhom isibu l-finanzjament. Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi xprunata l-edukazzjoni finanzjarja għall-SMEs. L-Istati Membri huma mħeġġa ħafna jieħdu sehem f’dak l-eżerċizzju billi jwaqqfu programmi speċifiċi tal-“prontezza għall-investiment” għall-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

6.1.2

Waħda mill-ikbar problemi għall-maġġoranza vasta tal-SMEs hija l-aċċess għall-konsulenza mfassla speċifikament għalihom. Il-KESE jappoġġja l-prinċipju u r-rwol tan-Netwerk Ewropa għall-Intrapriża (Europe Enterprise Network – EEN) iżda jqis li l-potenzjal tiegħu għandu jiġi użat kompletament (15). Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi li tissaħħaħ il-kapaċità għall-konsulenza finanzjarja tal-EEN. Madankollu, jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom ikunu involuti wkoll mill-qrib f’din il-kampanja u li għandha tiġi mfassla b’tali mod li tenfasizza d-diversità tal-SMEs.

6.2   Intejbu l-monitoraġġ u l-ġbir tad-data tas-suq ta’ finanzjament tal-SMEs

6.2.1

Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni diġà ħadmet fuq din il-kwistjoni (Stħarriġ dwar l-Aċċess tal-SMEs għall-finanzi u l-SME Finance Index). Huwa jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni biex taħdem iktar mill-qrib mal-federazzjonijiet tal-banek u biex tikkonsulta istituzzjonijiet oħra (il-BĊE, l-ABE). Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-SMEs jiġu involuti fil-livell tal-Istati Membri wkoll. Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jirreferix għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-OECD biex jinħarġu d-data u l-istatistika (16) dwar l-aċċess għall-finanzjament.

6.3   Il-klassifikazzjoni kwalitattiva

6.3.1

Il-mudelli tal-klassifikazzjoni purament kwantitattiva ħafna drabi ma jkunux adatti għall-valutazzjoni tal-SMEs għax ikunu riġidi wisq. L-użu ta’ fatturi kwalitattivi minbarra l-analiżi kwantitattiva komuni huwa ferm milqugħ. Għalhekk, il-banek jistgħu jqisu li jibbilanċjaw il-metodi tagħhom għall-klassifikazzjoni tal-valutazzjoni ta’ kemm jifilħu jissellfu l-SMEs b’lok biżżejjed għar-“relationship banking”. Din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata wkoll bl-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jiddispjaċih li xi banek jidhru li qed jitbiegħdu minn din l-idea minflok ma jippromovuha.

6.4   L-investituri informali (Business Angels) u atturi oħra fl-istadji bikrija

6.4.1

Il-KESE jemmen pereżempju li huwa importanti li tiġi żviluppata r-rabta bejn l-investituri informali u l-fondi ta’ kapital ta’ riskju fl-istadji bikrija mal-fondi ta’ kapital ta’ riskju fi stadji iktar avvanzati sabiex tiġi żgurata katina b’saħħitha ta’ finanzjament innovattiv. Barra minn hekk, l-inizjattivi għall-appoġġ ta’ djalogu iżjed b’saħħtu fil-livell reġjonali bejn l-investituri informali, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-intraprendituri lokali huma mħeġġa sew.

6.4.2

Għandhom jiġu esplorati u implimentati approċċi innovattivi għall-finanzjament ta’ riskju. Wieħed minn dawn l-approċċi huwa l-crowd funding, fejn ikunu ċ-ċittadini, u mhux il-banek jew l-ispeċjalisti, li jinvestu fl-SMEs permezz ta’ pjattaforma onlajn, minflok ma jinvestu fil-Borża.

6.4.3

Il-forom adattati ta’ kapital ibridu (17) li jinkludu elementi ta’ għotjiet, ekwità u kapital bid-dejn (bħas-self ibbażat fuq il-kondiviżjoni tal-profitti) għandhom jissaħħu, għax huma iżjed adatti għall-SMEs, kemm fl-istadji bikrija kif ukoll tul iċ-ċiklu sħiħ ta’ ħajjithom.

7.   Rakkomandazzjonijiet oħra biex jinkiseb il-finanzjament tal-SMEs

7.1   L-aħjar prattiki fis-settur bankarju

7.1.1

Għandu jiġi ppjanat l-iżvilupp ta’ qafas fejn jista’ jitħeġġeġ is-self mill-istituzzjonijiet li joperaw fuq filosofija ta’ kondiviżjoni tar-riskju u tal-profitti, peress li l-SMEs ċertament ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu. Il-Kummissjoni għandha tqis b’mod serju l-fenomenu tas-servizzi bankarji parteċipattivi. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bħala bażi għat-tnedija ta’ dibattitu dwar is-servizzi bankarji parteċipattivi fil-livell Ewropew. Inizjattivi separati implimentati minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta huma pożittivi iżda jistgħu jxekklu l-avvanz tal-integrazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, inizjattivi separati u mhux koordinati jistgħu ma jħallux l-iktar riżultati effiċjenti li kieku jistgħu jinkisbu minn dan it-tip ta’ finanzjament, bħall-kondiviżjoni tar-riskju, il-kondiviżjoni tal-profitti u approċċ soċjali għall-finanzjament. It-tħeġġiġ tal-mikrofinanzjament b’politiki ta’ investiment speċifiċi li jirreferu għall-finanzjament Iżlamiku jista’ jwassal ukoll għal attivitajiet intraprenditorjali ġodda filwaqt li jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar f’ċertu reġjuni. F’dan il-kuntest, għandha tiġi żviluppata direttiva li tipprevedi, tindirizza u tħeġġeġ metodi ta’ finanzjament alternattivi biex jiġi żgurat li dawn ikunu f’sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs b’metodi ta’ finanzjament bħall-finanzjament konvenzjonali.

7.1.2

Il-KESE jieħu nota li l-Kummissjoni analizzat il-ħidma u r-riżultati miksuba mill-medjaturi tal-kreditu kif ukoll dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw l-SMEs fit-tfittxija tagħhom għall-finanzjament (18). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha biex tinħoloq funzjoni bħal din sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-proċess tas-self. Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 145(4) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD III), u l-Artikolu 418(4) tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD IV) jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-SMEs jitolbu lill-banek jinformawhom dwar il-klassifika u l-valutazzjoni tagħhom. Tkun ħaġa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ fil-prattika.

7.1.3

Fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni u tiżgura li hemm biżżejjed kompetizzjoni f’dan is-settur, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, fil-qasam tal-prodotti finanzjarji għall-SMEs. Pereżempju, hemm il-problema tat-telf mill-finanzjament (ara iktar ’l isfel); fl-istess ħin, ir-rati għas-self kurrenti mill-bank (overdrafts) għall-intrapriżi ż-żgħar għadhom f’livell għoli ħafna, għad li r-rati tal-imgħax tal-banek għall-finanzjament mill-ġdid qatt ma kienu daqshekk baxxi. Il-kumpaniji l-kbar jistgħu jużaw alternattivi (bħal straight loans), imma l-intrapriżi ż-żgħar ma jistgħux jużaw dawn il-prodotti.

7.1.4

Telf mill-finanzjament (funding loss): f’bosta Stati Membri, il-banek jiċċarġjaw imposta fuq l-intrapriżi meta dawn iħallsu lura s-self qabel iż-żmien. Kull meta s-self jintradd lura qabel iż-żmien previst fil-kuntratt, il-bank jiċċarġja imposta għat-telf mill-finanzjament biex jagħmel tajjeb għall-fatt li l-bank jaf ikollu jinvesti l-flus mill-ġdid b’rata ta’ imgħax iktar baxxa minn dik li kien ikollu kieku s-self ma kienx tħallas lura qabel iż-żmien mistenni.

7.1.5

Madankollu, il-problema hi li dawn l-imposti għat-telf mill-finanzjament ħafna drabi jkunu pjuttost għoljin. Barra minn hekk, dawn l-imposti sikwit ma jkunux spjegati b’mod ċar fil-kuntratt, li jirreferi anki għal rati ta’ imgħax futuri li ma jkunux għadhom magħrufa. Din il-ħaġa tagħmilha diffiċli ferm biex intrapriża jkollha stima tal-imposta potenzjali għat-telf mill-finanzjament fil-każ li tħallas qabel iż-żmien. Fi kwalunkwe każ, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi lanqas jafu bl-obbligu li jridu jħallsu imposta għat-telf mill-finanzjament.

7.1.6

Għalhekk huwa kruċjali li l-banek jipprovdu informazzjoni iżjed ċara dwar dawn l-imposti qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim dwar is-self. Barra minn hekk, l-ammont tal-imposta għat-telf mill-finanzjament għandu jkun limitat u raġonevoli.

7.2   Il-viżibbiltà u l-amministrazzjoni tal-programmi Ewropej għall-finanzjament tal-SMEs

7.2.1

Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ bażi tad-data unika onlajn li tħaddan sorsi differenti ta’ finanzjament, li tintegra l-miżuri Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni xxerred kemm jista’ jkun il-gwida prattika (19) li huwa fassal b’informazzjoni dwar kif jistgħu jiġu aċċessati l-EUR 50 biljun ta’ finanzi pubbliċi fis-27 Stat Membru.

7.2.2

Il-KESE huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-programm Orizzont 2020, baġit dedikat ta’ 15 % tal-programm globali u struttura ta’ ġestjoni unika huma essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-SMEs. Fir-rigward tal-proċedura, għandu jsir titjib rigward il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi. Pereżempju, ħafna SMEs li qed jieħdu sehem fi proġetti finanzjati mill-UE għadhom qed jiffaċċjaw problemi enormi relatati mal-VAT fil-pajjiżi rispettivi tagħhom meta jieħdu sehem fil-proġetti. Ħafna drabi din il-kwistjoni tkun wieħed mill-ostakli ewlenin għal dawk li jkunu qed jieħdu sehem mill-bidu nett. Fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu implimentati regolamenti ċari li jeħilsu lill-SMEs minn dawn il-piżijiet. Il-VAT għandha tkun rikuperabbli f’kull ċirkostanza fil-proġetti finanzjati mill-UE.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dan l-istħarriġ twettaq bejn id-29 ta’ Frar u d-29 ta’ Marzu 2012, b’kampjun ta’ 7 511 kumpanija fiż-żona tal-euro.

(2)  Ibid, ara l-figuri speċifiċi fil-paġni 14-15.

(3)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(4)  ĠU C 191, 29.06.2012, p. 72.

(5)  Ara pereżempju Financités: http://www.financites.fr/

(6)  Ara r-rapport tal-EBAN: Tax Outlook 2010 Executive Summary - http://www.eban.org/resource-center/publications/eban-publications

(7)  Tante Agaath regeling (http://www.tanteagaath.nl/agaath_regeling.htm).

(8)  http://pme.service-public.fr/actualites/breves/reduction-isf-pour-investissements-pme.html

(9)  ĠU C 191, 29.06.2012, p. 80.

(10)  ĠU C 143, 22.05.2012, p. 78 - ĠU C 181, 21.06.2012, p. 84.

(11)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 39.

(12)  ĠU C 229, 31.07.2012, p. 55.

(13)  ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.

(14)  Rapport Speċjali Nru 2/2012 “Financial instruments for SMEs co-financed by the European Regional Development Fund” – Rapport tal-Qorti Ewropea Awdituri - http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/13766742.PDF

(15)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.

(16)  Ara eżempji bħal "Financing SMEs and Entrepreneurs 2012: an OECD scoreboard" (http://www.oecd-ilibrary.org/industry-and-services/financing-smes-and-entrepreneurship_9789264166769-en).

(17)  http://www.schwabfound.org/pdf/schwabfound/SocialInvestmentManual.pdf

(18)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1186&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en

(19)  Rapport Finali, Evalwazzjoni tal-Politiki tal-Istati Membri biex ikun faċilitat l-Aċċess għall-Finanzi għall-SMEs (Evaluation of Member State Policies to facilitate Access to Finance for SMEs - mhux disponibbli bil-Malti) – Ġunju 2012 http://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/guide-to-funding/indirect-funding/files/evaluation-of-national-financing-programmes-2012_en.pdf


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl”

COM(2011) 941 final

2012/C 351/11

Relatur: is-Sur KROPAS

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper — Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl

COM(2011) 941 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'157 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tippromovi ambjent ta’ pagamenti sikur, trasparenti u innovattiv madwar l-UE. Strumenti ta’ pagament iżjed effiċjenti, moderni u sikuri huma prekundizzjoni għat-twessigħ ta’ aktar benefiċċji tas-Suq Uniku kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea.

1.2

Il-KESE japprezza n-natura wiesgħa tad-djalogu propost mill-Kummissjoni, li tabilħaqq jinkludi fih il-kwistjonijiet ewlenin tal-ambjent attwali u previst ta’ pagamenti fl-UE. Madankollu, sabiex ikollna stampa kompluta, il-pagamenti bi flus kontanti jistħoqqilhom iżjed attenzjoni. Għalkemm qed jonqsu b'mod gradwali, il-flus kontanti jibqgħu l-mezz predominanti ta’ pagament f'ċerti swieq. Hemm evidenza nazzjonali, li dejjem qed tiżdied, li turi kif il-flus kontanti fil-prinċipju huma inqas effiċjenti u jistgħu jiġu ffrankati ħafna riżorsi jekk il-konsumaturi jaqilbu għal pagamenti elettroniċi. Ċerti Stati Membri għamlu progress konkret biex jimxu lejn soċjetà mingħajr flus kontanti. Minkejja dan, il-KESE jemmen li l-ispiża reali tal-flus kontanti għadha mhijiex magħrufa mill-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, il-flus kontanti huma meqjusa bħala faċilitatur tal-ekonomija illeġittima. Għaldaqstant, il-partijiet interessati kollha involuti għandhom jippromovu metodi ta’ pagamenti li jgħinu sabiex titnaqqas l-ekonomija illeġittima, li jqumu inqas u li huma iżjed sikuri. F'dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati l-ħafna benefiċċji għall-partijiet interessati kollha, iżda min-naħa l-oħra anke l-ħtieġa għal spiża raġonevoli għall-SMEs li qed joffru dawn il-metodi ta’ ħlas lill-klijenti tagħhom. Huma meħtieġa inizjattivi addizzjonali fl-Istati Membri bl-appoġġ ċar tal-Kummissjoni.

1.3

Il-pagamenti bil-kard huma l-istrument ta’ pagament mhux bil-flus kontanti l-iżjed popolari fl-UE u madwar id-dinja. Parti dejjem tikber tal-letteratura ekonomika tqis il-pagamenti mhux bil-flus bħala aktar trasparenti mil-lat fiskali u ekonomiku, apparti li huma irħas għas-soċjetà kollha, komdi, siguri u innovattivi. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-intenzjoni tagħha li tużahom sabiex tisfrutta l-vantaġġi ta’ integrazzjoni akbar tas-swieq. Madankollu, l-opportunitajiet tas-Suq Uniku għadhom ma ġewx sfruttati bis-sħiħ minħabba ostakli storiċi u nuqqas ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità, kif ukoll minħabba l-assimetriji u n-nuqqasijiet fl-użu tal-informazzjoni pubblika, li jistgħu jissolvew b'użu akbar tal-pagamenti bil-kard, bl-internet jew bil-mowbajl. Bħala konsegwenza, il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u l-effiċjenza għandhom potenzjal mhux realizzat. Il-KESE jsejjaħ għal inizjattivi tas-suq biex jipproponu soluzzjonijiet li jistgħu jiġu infurzati kemm jista' jkun malajr, speċjalment dawk li fl-istess ħin jiffavorixxu l-inklużjoni finanzjarja u diġitali.

1.4

L-inċertezza legali attwali fir-rigward tal-mudelli tan-negozju bbażati fuq it-tariffi tal-interkambju xxekkel it-tkabbir tal-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl u t-tneħħija tal-flus. Iċ-ċarezza hija ta’ importanza enormi għall-investiment u l-innovazzjoni fis-sistemi tal-pagamenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabilizza l-ambjent tan-negozju għall-operaturi kollha. F'konformità mal-objettivi tas-SEPA m'għandux ikun hemm differenzi fit-tariffi u rekwiżiti oħrajn, kemm għat-tranżazzjonijiet lokali kif ukoll dawk transkonfinali.

1.5

L-aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f'kontijiet bankarji jesiġi konsiderazzjoni kawta tal-ħafna aspetti inklużi s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-kumpens mogħti lil dawk li jiftħu l-kont. Il-KESE jinnota li entitajiet li qed ifittxu aċċess għandhom jiġu regolati u sorveljati skont il-profil ta’ riskju tagħhom. Il-qafas legali Ewropew għandu jirrifletti b'mod ċar l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-operaturi involuti.

1.6

F'ħafna swieq il-klijenti jistgħu ma jkunux lesti jaċċettaw soprataxxi u għaldaqstant jafu jaqilbu għal pagamenti bi flus kontanti abbażi tal-impressjoni li l-flus kontanti huma bla ħlas. Għalkemm il-konsumaturi ser ikunu protetti minn soprataxxi abużivi permezz tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur mit-13 ta’ Ġunju 2014, għadu mhuwiex ċar kif din il-protezzjoni se tiġi żgurata f'ambjent onlajn li qed jinbidel il-ħin kollu.

1.7

Il-pagamenti elettroniċi huma apprezzati minn klijenti fis-swieq lokali. Madankollu, għadhom ma nstabux soluzzjonijiet pan-Ewropej, ibbażati fuq il-bank onlajn. Għaldaqstant, dan jikkomplika t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. Il-KESE jitlob lill-operaturi ta’ sistemi bħal dawn biex jaħdmu fuq problemi ta’ interoperabbiltà f'mod miftuħ u trasparenti u jindirizzaw il-kwistjonijiet tan-nuqqasijiet tal-kummerċ elettroniku kemm jista' jkun malajr.

1.8

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li mill-istadju bikri tal-iżvilupp tagħhom il-pagamenti mobbli jirrispettaw il-priniċpji tal-aċċess miftuħ għall-pjattaformi, il-portabilità ta’ applikazzjonijiet, is-sigurtà kif ukoll l-evitar ta’ spejjeż doppji għal operaturi li jixtiequ jaċċettaw dawn il-pagamenti.

1.9

Il-KESE jirrikonoxxi l-progress milħuq mill-parteċipanti fis-swieq biex jitneħħew il-frodi fit-terminali fiżiċi. Bħalissa, il-frodi onlajn huma l-ikbar theddida. Għandhom jiġu implimentati miżuri addizzjonali ta’ sigurtà, iżda mhux bil-konsegwenza li tonqos il-konvenjenza għall-klijenti. Jekk huma proposti mill-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn possibbli l-miżuri ta’ sigurtà għandhom ikunu teknoloġikament newtrali.

1.10

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi sabiex tissaħħaħ il-governanza attwali tas-SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bil-Euro) u jappoġġja l-intenzjonijiet biex tiġi ċentralizzata s-“sjieda” tas-SEPA, pereżempju taħt il-kappa tal-Kunsill tas-SEPA. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jaħdmu fuq id-dettalji mill-iktar fis billi l-vakwu de facto attwali qed ixekkel l-implimentazzjoni.

2.   Kuntest tal-opinjoni

2.1

Il-kompletar tas-SEPA huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni sabiex jinkiseb is-Suq Uniku. Il-kisbiet tal-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà appoġġjati minn qafas legali armonizzat diġà huma disponibbli għal operaturi fil-għamla ta’ trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA u debiti diretti tas-SEPA, li sal-1 ta’ Frar 2014 se jieħdu post l-iskemi tradizzjonali fiż-żona tal-Euro.

2.2

L-ambitu tas-SEPA, madankollu, huwa usa' u jinkludi pilastri oħrajn. Wieħed minnhom huwa ddedikat għal pagamenti bil-kards, l-istrument ta’ pagament l-iżjed importanti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll madwar id-dinja. Il-pagamenti elettroniċi, jiġifieri pagamenti li jsiru onlajn għal xiri, huma pilastru ieħor. Illum il-ġurnata dawn il-pagamenti jirrappreżentaw perċentwal żgħir ħafna tal-pagamenti kollha mhux bil-flus kontanti, iżda huwa mistenni li dak il-perċentwal jiżdied għal żewġ ċifri. Il-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (EPC), li huwa l-korp ta’ koordinament u tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-industrija tal-banek Ewropea fir-rigward ta’ pagamenti, estenda l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni lejn pagamenti elettroniċi u żviluppa l-Qafas ta’ Pagamenti Elettroniċi tas-SEPA. Riċentement, l-EPC sar is-suġġett ta’ talba għal informazzjoni mid-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

2.3

Il-pagamenti mobbli huma l-pilastru l-iżjed riċenti. L-EPC ħa azzjonijiet ikkoordinati f'kooperazzjoni ma’ operaturi oħrajn fir-rigward ta’ pagamenti mobbli billi ħejja dokumenti tekniċi dwar linji gwida dwar l-interoperabbiltà kif ukoll diversi white papers. Il-pagamenti bil-mowbajl għadhom fi stadju bikri ta’ żvilupp iżda l-aspettattivi huma għoljin ħafna fir-rigward tal-istatus futur tagħhom. Filwaqt li l-pagamenti bil-kards u l-pagamenti elettroniċi u bil-mowbajl għandhom maturità, skala u mudelli tan-negozju differenti minn xulxin, hemm fehim ġenerali maqsum mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-operaturi tas-swieq li progress addizzjonali huwa meħtieġ f'termini ta’ integrazzjoni, trasparenza u kompetittività. Hemm ir-riskju li nuqqasijiet evidenti f'mudelli tan-negozju li diġà jeżistu jiġu replikati fl-ambjent futur tal-pagamenti bil-mowbajl.

2.4

Kull ċittadin, negozju jew amministratur pubbliku huwa involut f'attivitajiet ta’ pagamenti li jsiru jew permezz ta’ mezzi tradizzjonali ta’ ħlas (pereżempju flus kontanti) jew servizzi ta’ ħlas moderni (pereżempju pagamenti elettroniċi). Skont l-istatistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), l-ammont totali ta’ pagamenti mhux bil-flus fl-UE żdied b'4,4 % għal 86,4 biljun fl-2010 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, li minnhom il-pagamenti bil-kards irrappreżentaw l-ikbar sehem (39 %, 33,9 biljun). Il-valur tal-pagamenti bil-kards laħaq EUR 1,8 triljun, b'żieda ta’ 6,7 % fuq bażi annwali, aktar mit-triplu tat-tkabbir irreġistrat mill-PDG reali taż-żona tal-euro (1,8 %). Filwaqt li hemm differenzi sinifikanti f'termini ta’ użu tal-kards minn pajjiż għal ieħor, ix-xejra ġenerali hija li pagamenti bil-kards huma wieħed mill-istrumenti ta’ pagament mhux bi flus kontanti l-iżjed dinamiċi.

2.5

L-istħarriġ għas-sejba tal-fatti li wettqet is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (2) juri li t-tarriffi ta’ interkambju mhumiex stabbiliti u applikati b'mod armonizzat madwar l-Unjoni Ewropea. L-għażla, l-istruttura u l-livell tat-tariffi ta’ interkambju huma differenti f'ħafna modi u jiddipendu fuq għadd ta’ għażliet u dimensjonijiet. It-tariffa tal-interkambju hija l-komponent ewlieni tat-tariffi tan-negozjanti. Il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni vvalutaw l-aspetti tal-kompetizzjoni tat-tariffi tal-interkambju u ħadu għadd ta’ deċiżjonijiet, uħud minnhom relatati mal-attività transkonfinali, filwaqt li oħrajn kienu restritti għal-livell nazzjonali.

2.6

Sfortunatament, fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi, ma sar l-ebda stħarriġ uffiċjali u ma ġew ippubblikati l-ebda statistiċi komprensivi nazzjonali jew li jistgħu jitqabblu bejn il-pajjiżi tal-ispejjeż imħallsa mill-konsumaturi, bħad-diversi tariffi jew imposti bankarji relatati ma’ modi differenti ta’ ħlas, minkejja l-fatt li din l-informazzjoni hija disponibbli għas-superviżuri nazzjonali, li ħafna minnhom ma jippubblikawhiex.

2.7

Minkejja l-inizjattivi privati kontinwi lejn l-istandardizzazzjoni, għad hemm frammentazzjoni f'ċerti ambiti ta’ tranżazzjonijiet: bejn fornituri ta’ servizzi ta’ akkwist ta’ kards u ta’ ħruġ ta’ kards, bejn kards u terminali kif ukoll bejn fornituri ta’ servizzi ta’ kards u ta’ terminali. Madankollu, s'issa ma waslux għal riżultati konkreti sostanzjali, billi jitmexxew minn interessi kummerċjali differenti jew mingħajr skedi ta’ implimentazzjoni ċari.

2.8

L-investimenti u l-isforzi sinifikattivi mill-operaturi kollha sabiex jemigraw mill-istrixxa manjetika sat-teknoloġija taċ-ċippa EMV kellhom impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-frodi bil-kards f'ambjent ta’ tranżazzjoni li ssir wiċċ imb wiċċ. Madankollu, tendenza riċenti turi li tranżazzjonijiet remoti bil-kards, għalkemm għandhom sehem żgħir mit-tranżazzjonijiet kollha tal-kards, diġà huma l-kawża tal-ikbar periklu ta’ frodi. Din il-kwistjoni ġibdet l-attenzjoni ta’ superviżuri u sorveljaturi li fl-2011, taħt il-kappa tal-Bank Ċentrali Ewropew, ingħaqdu flimkien fi ħdan is-“SecuRe Pay Forum” sabiex isaħħu l-livell ta’ sigurtà u ta’ fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi u strumenti ta’ pagamenti elettroniċi. Fl-2012 il-forum se jiffinalizza sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet newtrali mil-lat tat-teknoloġija għas-sigurtà tal-pagamenti onlajn.

2.9

Il-Green Paper tal-Kummissjoni tittratta sensiela sħiħa ta’ kwistjonijiet ta’ pagamenti, li jekk jiġu indirizzati b'suċċess tista' tipprovdi l-bażi għal servizzi ta’ pagamenti ħafna iżjed integrati u sikuri pprovduti jew fil-ħwienet tradizzjonali bi preżenza fiżika jew fl-ambjent elettroniku li qed jiżviluppa b'pass mgħaġġel. B'aktar kompetizzjoni, aktar għażla u trasparenza għall-konsumaturi, aktar innovazzjoni u iżjed sigurtà fil-pagamenti u fiduċja tal-klijenti, l-Ewropa ser ikollha l-opportunità tkun fl-avangwardja f'dak li jirrigwarda t-tifsira ta’ pagament fis-seklu 21.

2.10

Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-viżjoni ta’ suq integrat, tidentifika l-lakuni bejn is-sitwazzjoni attwali u l-viżjoni kif ukoll l-ostakli li jikkawżaw dawn il-lakuni. Il-Kummissjoni tiddefinixxi ħames miżuri estensivi mmirati lejn l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni u tirrifletti dwar kif l-implimentazzjoni għandha titmexxa. L-ewwel sensiela hija l-ikbar f'termini ta’ mistoqsijiet u tkopri l-frammentazzjoni tas-suq, l-aċċess u kwistjonijiet transkonfinali. L-oħrajn ikopru, rispettivament, l-ipprezzar trasparenti u kosteffettiv, l-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà u kwistjonijiet ta’ sigurtà. Il-gwida dwar il-governanza għandha tapplika biss għal skemi tas-SEPA li diġà jeżistu (SCT, SDD) kif ukoll kards, pagamenti elettroniċi u pagamenti bil-mowbajl.

3.   Kummenti u osservazzjonijiet

3.1

L-attitudini mifruxa madwar il-Komunità fir-rigward ta’ kwistjonijiet li ilhom għaddejjin dwar pagamenti orjentati lejn il-futur – barra mit-trasferimenti ta’ kreditu SEPA u d-debiti diretti SEPA – għadha pendenti u tolqot globalment l-operaturi kollha fis-Suq Uniku. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni u jistenna azzjonijiet ta’ segwitu proporzjonali sabiex jitjiebu n-nuqqasijiet attwali. Il-KESE jappella biex l-interessi tal-konsumaturi dwar id-disponibilità ta’ pagamenti sikuri, effiċjenti, konvenjenti u mgħaġġla jitqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kull tranżazzjoni b'pagament.

3.2

Il-Green Paper tikkonċentra fuq pagamenti elettroniċi u ma ssemmix, madankollu, ir-rwol li għadu dominanti tal-flus kontantili jirrappreżentaw 80 % tat-tranżazzjonijiet b'pagament fl-Ewropa. Iż-żieda fit-trasparenza tal-ispejjeż hija daqstant rilevanti kemm għall-pagamenti elettroniċi u l-flus kontanti u għandha sservi bħala referenza ewlenija meta jiġu analizzati l-mezzi ta’ pagamenti bla flus kontanti. L-impressjoni li l-flus kontanti huma bla ħlas għadha komuni fost il-pubbliku ġenerali. Jistgħu jinkisbu kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza jekk dawk li jħallsu jibdlu l-imġiba tagħhom billi jużaw pagamenti moderni u b'inqas spiża. Barra minn hekk, l-evidenza turi li l-prevalenza ta’ pagamenti bi flus kontanti għandha korrelazzjoni pożittiva mal-livell tal-ekonomija illeġittima minħabba li huwa diffiċli li jiġu ttraċċati l-pagamenti bi flus kontanti. Għaldaqstant, il-KESE jinkoraġġixxi l-inizjattivi addizzjonali meħuda mill-Istati Membri bl-appoġġ ċar tal-Kummissjoni meta tikkunsidra mill-ġdid l-ippożizzjonar tal-flus kontanti f'ekonomiji moderni.

3.3

Fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa miżuri addizzjonali mmirati lejn żieda fit-trasparenza, b'mod speċjali miżuri vinkolanti, sabiex il-konsumaturi ma jitgħabbux b'wisq informazzjoni, li jekk tingħata f'ħin ħażin (pereżempju fir-rush hour) u f'format ikkomplikat tista' żżid mal-konfużjoni tal-esperjenza tax-xiri u tiddisturba l-proċess ta’ ħlas għan-negozjanti.

3.4

Skemi internazzjonali u bosta skemi lokali tal-kards jibbażaw il-mudelli tan-negozju tagħhom fuq it-tariffi tal-interkambju li ġew sfidati sa limiti diversi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll mill-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar fl-2007 li tipprojbixxi t-tariffa tal-interkambju transkonfinali tal-Mastercard m'ilux ġiet miżmuma mill-Qorti Ġenerali. Il-KESE jinnota li s'issa l-mudelli tan-negozju msejsa fuq l-interkambju naqsu milli jilħqu l-viżjoni tas-SEPA, jiġifieri l-ebda differenza bejn it-tariffi għal tranżazzjonijiet transkonfinali u lokali. Barra minn hekk, kienu jonqos mekkaniżmu ta’ awtoregolamentazzjoni li jiżgura tnaqqis fil-livelli ta’ interkambju mal-ammont qed jiżdied ta’ tranżazzjonijiet, kif ukoll soluzzjonijiet alternattivi ta’ pprezzar applikabbli għal pagamenti b'valur baxx. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilizza l-ambjent tan-negozju fit-tul għall-operaturi kollha billi jtiqiesu wkoll il-lezzjonijiet ta’ reġjuni oħrajn (pereżempju l-Awstralja) li adottaw regolament f'dan ir-rigward u billi jiżguraw kundizzjonijiet indaqs bejn mudelli kummerċjali differenti tal-iskemi tal-kards.

3.5

Il-co-badging ta’ marki ta’ pagamenti differenti, kemm fuq kard tal-plastik kif ukoll fuq pjattaformi mobbli fil-futur, m'għandux la jdgħajjef id-dritt tal-konsumaturi biex jagħżlu bejn marki u lanqas jirrestrinġi inċentivi possibbli għal negozjanti. Il-co-badging huwa importanti għal skemi ġodda li qed jidħlu fis-suq u konsegwentement jiffaċilita kemm l-għażla kif ukoll il-kompetizzjoni. F'xi każi marka waħda tqiegħed rekwiżiti obbligatorji addizzjonali għal tranżazzjonijiet permezz tan-netwerk tagħha, anke jekk huma inizjati minn marka oħra. Fil-fehma tal-KESE għandu jiġi żgurat li marka waħda ma tkunx f'pożizzjoni li timponi dawn ir-rekwiżiti ta’ pproċessar.

3.6

Il-KESE jaqbel mal-fehma li s-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tal-iskemi mill-ipproċessar hija element ewlieni sabiex jinħoloq suq tal-pagamenti bil-kards kompetittiv billi “silos” vertikali jistgħu jużaw sussidjar trasversali meta jikkompetu ma’ proċessuri indipendenti. Barra minn hekk l-istruttura attwali hija inqas favorevoli għall-inizjattivi previsti sabiex titħeġġeġ l-interoperabbiltà bejn il-proċessuri. Għaldaqstant, is-separazzjoni, idealment fil-livell korporattiv, għandha ssaħħaħ il-proċessi ta’ integrazzjoni u ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku.

3.7

Taħt il-qafas legali attwali, istituzzjonijiet ta’ pagament u tal-flus elettroniku mhumiex permessi li jaċċessaw sistemi tal-pagamenti magħżula taħt id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu. Essenzjalment, dawn huma mmirati lejn pagamenti ta’ valur għoli u ta’ bejgħ bl-imnut. Jekk il-Kummissjoni tippjana iktar bidliet għall-qafas attwali, il-KESE se jħeġġiġha tikkunsidra l-element ta’ riskju li l-parteċipanti l-ġodda (jiġifieri istituzzjonijiet ta’ pagamenti u istituzzjonijiet tal-flus elettroniku) jistgħu jintroduċu fis-sistemi ta’ pagamenti li diġà jeżistu (infrastrutturi), filwaqt li nżommu f'moħħna pereżempju li m'għandhomx aċċess għal fondi bankarji ċentrali.

3.8

Il-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards (SCF) kif ġie żviluppat oriġinarjament mill-EPC m'għandux jirrestrinġi mudelli tan-negozju żviluppati minn operaturi oħrajn. Idealment, l-SCF trid tiġi riveduta bir-reqqa fi ħdan l-istruttura l-ġdida ta’ governanza tas-SEPA, filwaqt li jitqiesu l-kontributi tal-partijiet interessati kollha.

3.9

Il-KESE huwa mħasseb li l-entitajiet li mhumiex regolati u lanqas sorveljati jfittxu aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar kontijiet. Barra minn hekk, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-operaturi involuti mhumiex riflessi b'mod adegwat fil-qafas legali Ewropew u jista' jkollhom konsegwenzi mhux mistennija għal konsumaturi fil-każ ta’ użu ħażin tad-data jew frodi. L-aċċess għal informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f'kontijiet bankarji jesiġi konsiderazzjoni kawta tal-ħafna aspetti inklużi s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-kumpens mogħti lil dawk li jiftħu l-kont.

3.10

Is-soprataxxa hija possibilità għan-negozjanti biex iżidu tariffa mal-valur tat-tranżazzjoni jekk tintuża kard. Din l-għażla ġiet rikonoxxuta madwar l-UE mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas 'il hawn, sakemm Stat Membru m'għażilx li jipprojbixxiha b'mod espliċitu. L-esperjenza preċedenti ta’ soprataxxa applikata f'ċerti każi mhijiex konklużiva, talinqas fuq medda qasira ta’ żmien. Kmieni fl-2005 pereżempju, id-Daniżi rreaġixxew b'mod qawwi kontra l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq it-tranżazzjonijiet tal-iskema lokali tal-kards tad-debitu tagħhom, li naqsu ħafna filwaqt li żdied il-ħruġ tal-flus kontanti mill-ATMs. Stħarriġiet li saru fi swieq oħrajn ikkonfermaw din ix-xejra. Għalkemm mit-13 ta’ Ġunju 2014 il-konsumaturi ser ikunu protetti minn soprataxxi abużivi permezz tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, għadu mhuwiex ċar kif din il-protezzjoni se tiġi assigurata f'ambjent onlajn li qed jinbidel il-ħin kollu. Il-KESE huwa tal-fehma li s-soprataxxi m'għandhomx jiġu inkoraġġuti bħala prattika pan-Ewropea.

3.11

L-ekosistema tal-kards hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ standardizzazzjoni u interoperabilità. Pereżempju, il-fornitur tat-terminali jrid jgħaddi minn seba' proċessi ta’ ċertifikazzjoni sabiex jopera fil-livell tal-UE. Il-KESE jsejjaħ lis-settur privat biex jingħaqad u jipproduċi riżultati konkreti, inkluż f'termini tal-qafas ta’ implimentazzjoni u skadenzi ambizzjużi. Madankollu, jekk is-soluzzjonijiet tas-swieq jimxu bil-mod, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva bi proposti leġislattivi.

3.12

Id-disponibilità ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi hija ristretta l-iżjed fil-konfini nazzjonali. Il-KESE jitlob lill-operaturi ta’ sistemi bħal dawn biex jaħdmu fuq problemi ta’ interoperabbiltà b'mod miftuħ u trasparenti u jindirizzaw il-kwistjonijiet tan-nuqqasijiet tal-kummerċ elettroniku kemm jista' jkun malajr. Madankollu, jekk is-suq ma jwassalx ir-riżultati mistennija, il-Kummissjoni għandha tipprevedi rekwiżiti regolatorji għall-aċċessibilità tal-iskemi tal-pagamenti elettroniċi fil-livell Ewropew.

3.13

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li mill-istadju bikri tal-iżvilupp tagħhom il-pagamenti bil-mowbajl jirrispettaw il-priniċpji tal-aċċess miftuħ għall-pjattaformi, il-portabilità ta’ applikazzjonijiet, is-sigurtà kif ukoll l-evitar ta’ spejjeż doppji għal operaturi li jixtiequ jaċċettaw dawn il-pagamenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom jappoġġjaw lill-operaturi fl-iżvilupp tagħhom ta’ soluzzjonjiet immirati lejn l-utenti.

3.14

Is-sigurtà hija punt ewlieni għall-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti ta’ pagamenti, u idealment għandha tiġi indirizzata fl-istadju tat-tfassil. Fil-kuntest tas-sigurtà, hija ta’ importanza kruċjali li kwalunkwe fornitur fil-katina ta’ valur tal-pagamenti ikun regolat u sorveljat b'mod adatt. Il-KESE jirrikonoxxi l-progress li sar mill-parteċipanti tas-suq fit-twaqqif tal-frodi fit-terminali fiżiċi, iżda jinnota li l-operaturi huma esposti għal frodi fin-negozju onlajn. Il-miżuri tas-sigurtà m'għandhomx idgħajfu l-konvenjenza tal-klijenti u, jekk jiġi propost mill-awtoritajiet pubbliċi, għandhom ikunu teknoloġikament newtrali sakemm huwa possibbli. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-Forum SecuRe Pay dwar is-sigurtà ta’ pagamenti onlajn, u fl-aħħar mill-aħħar l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-livell tas-sigurtà u l-fiduċja tal-pubbliku f'servizzi ta’ pagamenti elettroniċi. L-implimentazzjoni korretta ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi sorveljata aktar mill-awtoritajiet rilevanti.

3.15

Madankollu, il-projbizzjoni tal-frodi tesiġi miżuri addizzjonali fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità ġdid fi ħdan il-Europol, li se jkun operattiv mill-1 ta’ Jannar 2013, u nittamaw li jsir iċ-ċentru ta’ kompetenza fil-ġlieda tal-UE kontra min iwettaq il-frodi. Din l-inizjattiva kienet approvata mill-KESE fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti, adottata fit-23 ta’ Ottubru 2008 (3). Il-KESE jinnota li miżuri oħrajn definiti f'dik l-opinjoni jibqgħu ta’ importanza kbira u għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

3.16

Pagamenti jinvolvu ħafna partijiet interessati, u l-interessi tagħhom, għalkemm jistgħu jkunu differenti minn xulxin, għandhom jitqiesu meta jissawwar l-ambjent futur għall-pagamenti. It-tmexxija l-ġdida tas-SEPA għandha tiżgura ftuħ, trasparenza u kundizzjonijiet indaqs f'dan il-proġett ambizzjuż li kulma jmur qed jevolvi. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew biex tiġi ċċentralizzata s-“sjieda” tas-SEPA, pereżempju taħt il-kappa tal-Kunsill tas-SEPA. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ biex il-proċess jitħaffef, billi l-vakwu de facto attwali jxekkel l-implimentazzjoni tiegħu.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.ecb.int/press/pr/date/2011/html/pr110912.en.html.

(2)  http://www.ecb.int/pub/pdf/scpops/ecbocp131.pdf?4cce20956bed7b7e5f454a4ea77f7c9b.

(3)  ĠU C 100, 30.4.2009, p.22.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE)”

COM(2012) 35 final — 2012/0022 (APP)

2012/C 351/12

Relatur: is-Sinjura HELLAM

Nhar l-10 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (FE)

COM(2012) 35 final – 2012/0022 (APP).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 132 vot favur, vot wieħed kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (KE) għal Regolament tal-Kunsill dwar l-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea (SFE) li jagħmel possibbli l-ħolqien tal-Fondazzjoni Ewropea (Fundatio Europaea). Il-KESE kien talab dan l-Istatut (1) bil-għan li jiffaċilita l-attivitajiet u l-kooperazzjoni transkonfinali tal-fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE.

1.2

Issa, il-KESE qed jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw il-proposta mingħajr dewmien. Fil-fatt, illum il-ġurnata iżjed minn qatt qabel, il-fondazzjonijiet qed jindirizzaw kwistjonijiet li jolqtu l-fruntieri nazzjonali, u li jitolbu li jkunu organizzati b’mod effiċjenti. Il-fondazzjonijiet fil-livell Ewropew li huma attivi fl-oqsma tax-xjenza, ir-riċerka u kwistjonijiet relatati mas-soċjetà jeħtieġu forma legali li tkun rikonoxxuta f’kull Stat Membru.

1.3

Is-settur innifsu tal-fondazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet u n-netwerks rappreżentattivi tiegħu fil-livell nazzjonali u dak tal-UE kemm-il darba talbu għal SFE bħala l-iżjed soluzzjoni effettiva biex jiġu indirizzati l-ostakli transkonfinali u b’hekk jiġu stimulati l-attivitajiet tal-fondazzjonijiet fl-Ewropa.

1.4

Il-Fundatio Europaea (FE) ser tkun għażla fakultattiva u mhux ser tissostitwixxi l-leġislazzjonijiet lokali u nazzjonali. Madankollu, ser tagħmilha possibbli li l-fondazzjonijiet li jagħżlu l-istatut jkunu jistgħu jaħdmu f’kull pajjiż tal-UE mingħajr il-bżonn tal-ħolqien ta’ strutturi lokali, bil-kundizzjoni li l-fondazzjoni tkun rikonoxxuta fil-pajjiż ta’ oriġini tat-twaqqif tagħha.

1.5

Il-KESE jaqbel li l-azzjoni proposta tikkonforma bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm bżonn li l-UE tieħu azzjoni biex jitneħħew l-ostakli nazzjonali u r-restrizzjonijiet attwali li jiffaċċjaw il-fondazzjonijiet meta joperaw f’iżjed minn Stat Membru wieħed. Is-sitwazzjoni attwali turi li l-problema mhijiex koperta b’mod adegwat minn miżuri nazzjonali, u n-natura transnazzjonali tal-kwistjoni titlob qafas Ewropew li jiżgura l-iżvilupp ta’ fondazzjonijiet li l-missjoni tagħhom hija li jaħdmu fuq skala Ewropea. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, azzjoni meħuda minn Stat Membru waħdu ma tiggarantixxix l-aqwa riżultati f’dak li jirrigwarda l-prinċipju tas-suq uniku.

1.6

Ir-raġuni tal-proposta hija l-ħolqien ta’ qafas leġislattiv innovattiv li jikkomplementa l-liġijiet nazzjonali eżistenti, li jibqgħu l-istess fil-forma u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kapaċità u l-għażla tagħhom li jżommu u jiżviluppaw forom nazzjonali ta’ fondazzjonijiet.

1.7

Il-KESE jaqbel mal-għażla tar-Regolament għall-proposta. Huwa l-iżjed għodda legali adatta biex tiġi żgurata konsistenza fl-Istatut fl-Istati Membri kollha u biex tiżdied il-fiduċja, peress li jeħtieġ applikazzjoni diretta u uniformi tar-regoli. Dan ikompli jissaħħaħ bl-Artikoli 47 u 48 dwar il-“kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji” u dwar il-“kooperazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa” rispettivament.

1.8

Il-KESE jaqbel mal-aspetti fundamentali tal-proposta tal-KE dwar SFE, li għandha l-għan li ssib bilanċ bejn l-aċċess faċli għall-Istatut f’termini ta’ formazzjoni, u fiduċja f’termini ta’ trasparenza u responsabbiltà.

1.9

Il-proposta tinkludi elementi ta’ taxxa li ma joħolqux sistema ġdida, iżda awtomatikament ipoġġu l-FE fuq l-istess livell tal-entitajiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku. Jeħtieġ li din it-taqsima tal-proposta tiġi analizzata bir-reqqa għax ma għandhiex tipperikola l-adozzjoni tant bżonjuża tal-Proposta għal Regolament.

2.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

2.1

Fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx mod possibbli kif jiġu armonizzati l-oqfsa legali li fi ħdanhom jaqdu l-attivitajiet tagħhom l-entitajiet ta’ benefiċċju pubbliku fl-UE. Madwar 50 liġi u fuqhom jirregolaw il-formazzjoni u l-operazzjonijiet tal-fondazzjonijiet fl-UE. Id-differenzi bejn il-liġijiet ċivili u dawk tat-taxxa fl-Istati Membri jagħmlu l-operazzjonijiet transkonfinali ta’ dawk l-entitajiet jiswew ħafna flus u oppressivi. Barra minn hekk, hemm ostakli legali, fiskali u amministrattivi li jxekklu l-ħidma transkonfinali tal-fondazzjonijiet. Minħabba f’hekk, l-allokazzjoni transkonfinali tal-fondi u l-appoġġ għall-finijiet ta’ benefiċċju pubbliku jibqgħu fil-parti l-kbira tagħhom mhux sfruttati biżżejjed.

2.2

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, il-Kummissjoni ressqet Proposta għal Regolament li jistabbilixxi forma legali Ewropea ġdida maħsuba biex tiffaċilita t-twaqqif u l-operazzjoni tal-fondazzjonijiet fis-suq uniku. Din il-forma legali tippermetti lill-fondazzjonijiet jużaw il-fondi privati għal skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku fuq bażi transkonfinali fl-UE b’mod iżjed effiċjenti. Imbagħad, din għandha tirriżulta f’aktar finanzjament disponibbli għal attivitajiet bi skop ta’ benefiċċju pubbliku u għaldaqstant, għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-ġid pubbliku taċ-ċittadini Ewropej u fuq l-ekonomija tal-UE inġenerali.

2.3

Il-proposta tistabbilixxi l-aspetti prinċipali tal-FE, il-metodi tal-formazzjoni u r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-FE. Barra minn hekk, hija prevista l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-FE tiġi trasformata mill-ġdid f’entità ta’ benefiċċju pubbliku jew tinbeda proċedura ta’ stralċ.

2.4

Ir-Regolament jistabbilixxi s-setgħat superviżorji minimi tal-awtoritaiet superviżorji f’kull Stat Membru, sabiex ikunu jistgħu jissorveljaw b’mod effettiv l-attivitajiet tal-FE reġistrati f’dak l-Istat Membru. Jipprovdi wkoll għall-applikazzjoni awtomatika lill-FE u d-donaturi tagħha tal-istess benefiċċji tat-taxxa mogħtija lill-entitajiet domestiċi ta’ benefiċċju pubbliku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE rrikonoxxa l-kontribut importanti tal-fondazzjonijiet f’bosta oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi, l-impjieg u l-progress soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u l-wirt Ewropew, u l-promozzjoni tal-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi. Jaqdu wkoll rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

3.2

Fi ħdan l-UE, ġeneralment, il-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu minn fruntiera għal oħra, xi ħaġa li, normalment, ma tgħoddx għall-azzjonijiet u r-riżorsi ddedikati għal finijiet ta’ benefiċċju pubbliku. Dan huwa l-iskop tal-ħolqien ta’ FE ġdida, entità legali fakultattiva ġdida li topera flimkien ma’ dawk il-forom legali li diġà jeżistu fil-pajjiżi tal-UE.

3.3

Il-KESE huwa tal-fehma li, permezz tal-Istatut għal Fondazzjoni Ewropea, il-fondazzjonijiet jibbenefikaw minn kundizzjonijiet iżjed uniformi fl-UE billi jużaw strument legali wieħed u struttura ta’ governanza li jkunu paragunabbli fl-Istati Membri kollha, u li jagħtu ċertezza legali ikbar u jinvolvu inqas spejjeż relatati mal-konformità.

3.4

L-Istatut ser jiffaċilita t-tlaqqigħ flimkien u ż-żieda tal-għarfien speċjalizzat u r-riżorsi tagħhom. Il-preżenza ta’ forma Ewropea rikonoxxuta għall-fondazzjonijiet tistimula wkoll l-inizjattivi u d-donazzjonijiet transkonfinali. Huwa probabbli li l-ekonomiji tal-Istati Membri ikollhom iżjed fondi disponibbli għalihom għal oqsma importanti bħar-riċerka u l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u dawk tas-saħħa, il-kultura u l-protezzjoni tal-ambjent.

3.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tal-KE tiffoka biss fuq fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku. Josserva li d-definizzjoni ta’ skop ta’ benefiċċju pubbliku stipulata fl-Artikolu 5 hija bbażata fuq lista magħluqa tal-iżjed skopijiet komuni li jistgħu jinsabu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Dan jipprevedi ċertezza legali msaħħa dwar x’inhu ta’ benefiċċju pubbliku, iżda jista’ jkun oppressiv wisq biex jiġi aġġornat, għax dan jista’ jsir biss permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill u l-kunsens tal-Parlament Ewropew matul l-ewwel reviżjoni tar-Regolament seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

3.6

Il-KESE josserva li l-kunċett li “sservi l-interess pubbliku b’mod ġenerali” jista’ jiġi rfinat fir-Regolament u jispeċifika li l-FE jrid ikollha skop jew skopijiet ta’ benefiċċju pubbliku identifikabbli u sservi l-interess pubbliku b’mod ġenerali u/jew taqsima tal-popolazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati meta jiġi determinat jekk korp jipprovdix jew huwiex maħsub biex jipprovdi benefiċċju pubbliku:

(a)

kif kwalunkwe

(i)

benefiċċju miksub jew probabbli li jinkiseb minn kwalunkwe persuna involuta fil-korp jew kwalunkwe persuna oħra (ħlief il-membri tal-pubbliku), u

(ii)

nonbenefiċċju mġarrab jew li huwa probabbli li jiġġarab mill-pubbliku, minħabba l-korp li jkun qed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu

jipparaguna mal-benefiċċju miksub jew li huwa probabbli li jinkiseb mill-pubbliku f’dak il-każ, u

(b)

fejn il-benefiċċju jiġi pprovdut jew huwa probabbli li jiġi pprovdut lil taqsima waħda biss tal-pubbliku, jekk kwalunkwe kundizzjoni għall-ksib ta’ dak il-benefiċċju (inkluża kwalunkwe spiża jew miżata) hijiex ristrettiva żżejjed.

3.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon aspetti fundamentali oħra tal-SFE kif stabbiliti fil-Proposta għal Regolament, li kien irrakkomanda f’Opinjoni preċedenti, fosthom:

a)

id-dimensjoni Ewropea tal-FE f’tal-anqas żewġ Stati Membri. Dan il-komponent transkonfinali għandu jintalab fil-mument tar-reġistrazzjoni u matul it-tul ta’ ħajja tal-FE;

b)

il-metodu tal-formazzjoni tal-FE, jew permezz tal-ex-nihilo, billi fondazzjoni nazzjonali tiġi trasformata f’Fondazzjoni Ewropea jew billi ssir fużjoni ta’ fondazzjonijiet nazzjonali. L-għażla li ssir FE tista’ ssir biss minn persuni legali u fiżiċi li ġenwinament għandhom jew qed jiżviluppaw attivitajiet fuq skala Ewropea; dan jipprovdi lil kull Stat Membru biċ-ċertezza li l-qafas nazzjonali għall-fondazzjonijiet iżomm l-ispeċifiċitajiet tiegħu;

c)

l-ammont minimu tal-assi tal-FE (EUR 25 000) bil-għan li tiżdied il-protezzjoni tal-kredituri u fl-istess ħin l-inizjattivi iżgħar ma jitwaqqfux milli jibdew;

d)

kapaċità legali wiesgħa, inkluż id-dritt għall-proprjetà mobbli u immobbli, id-dritt li jintlaqgħu u jinżammu rigali jew sussidji ta’ kwalunkwe tip, inklużi l-ishma u strumenti negozjabbli oħra, minn kwakunkwe sors legali, u

e)

fl-ambitu tal-għan ta’ benefiċċju pubbliku tal-FE, il-kapaċità li l-FE twettaq attivitajiet ekonomiċi b’mod dirett jew permezz ta’ entità legali oħra, bil-kundizzjoni li kwalunkwe dħul jew surplus jintuża b’konformità mal-iskopijiet ta’ benefiċċju pubbliku.

3.8

Il-KESE josserva li r-Regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ sentenzi li ħarġet dan l-aħħar il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (2), billi jipprovdi l-possibbiltà li jsiru donazzjonijiet transnazzjonali lill-FE u jittratta l-FE bħala fondazzjoni ta’ benefiċċju pubbliku fit-tifsira tal-liġi fiskali lokali. Il-KESE huwa tal-fehma li għal skopijiet ta’ taxxa, il-FE għandha tingħata status standard ta’ entità mingħajr skop ta’ qligħ, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kompetenza u l-prattika tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru fejn il-FE hija obbligata tħallas it-taxxi, biex b’hekk jiġi ddeterminat it-trattament tat-taxxa tagħha b’konformità mar-regolamenti tat-taxxa fis-seħħ fil-livell nazzjonali. Għalkemm l-Istati Membri ma jistgħux jiddiskriminaw kontra l-FE fil-konfront tal-fondazzjonijiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku, li jmur kontra t-Trattat tal-UE u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, jistgħu jagħżlu liema sistema tat-taxxa tapplika. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw ukoll liema sistema tat-taxxa tapplika għall-FE, meta jkun hemm għadd ta’ sistemi għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

3.9

Fl-aħħar nett, il-Proposta għal Regolament għandha tikkunsidra bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tas-settur tal-fondazzjonijiet biex jiżgura li l-istrument finali, minn naħa, ikollu dimensjoni Ewropea ġenwina mingħajr referenzi żejda għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ikun kemm komprensiv kif ukoll dirett, li jagħmilha possibbli li fil-ġejjieni jsir l-aqwa użu possibbli minnu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Kif diskuss fl-Opinjoni msemmija tal-KESE, insibu erba’ vantaġġi u benefiċċji essenzjali tal-FSE: l-effiċjenza u s-semplifikazzjoni, ir-responsabbiltà, il-benefiċċji ekonomiċi u l-benefiċċji politiki u taċ-ċittadini. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Proposta għal Regolament tirrappreżenta bilanċ tajjeb bejn dawn l-elementi, mentri ċerti proposti jistgħu jiġu rfinati kif spjegat hawn taħt.

4.2

Il-KESE jixtieq jiġbed l-atenzjoni għat-traduzzjoni ta’ termini speċifiċi fil-proposta, jiġifieri l-kunċett ta’ benefiċċju pubbliku, li b’ċerti lingwi jista’ jiġi tradott bħala utilità pubblika jew interess ġenerali u jirreferi għal tip speċifiku ħafna ta’ forma legali nazzjonali eżistenti b’sensiela interkonnessa ta’ drittijiet u rekwiżiti. B’mod partikolari, dan jista’ jwassal għal ċerta konfużjoni dwar liema entitajiet nazzjonali ta’ benefiċċju pubbliku jkunu eliġibbli biex jittrasformaw ruħhom f’FE, sakemm dan ma jkunx speċifikat b’mod ċar mill-Istati Membri.

4.3

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa f’idejn l-Istati Membri li jispeċifikaw liema entitajiet u fondazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku jistgħu jittrasformaw ruħhom f’FE jew jagħmlu fużjoni biex jiffurmaw FE. Fil-prinċipju, dan jeskludi l-entitajiet mhux inkorporati, bħat-trusts, iżda jkopri l-fondazzjonijiet b’għanijiet ta’ benefiċċju pubbliku, li f’ċerti Stati Membri jħaddnu fundi mhux awtonomi, u fondi ta’ benefiċċju pubbliku.

4.4

Il-KESE huwa tal-fehma li, fid-dawl tan-natura ta’ benefiċċju pubbliku tagħhom u l-istatus ta’ taxxa tagħhom, l-FE mwaqqfa b’mod perpetwu għandhom jonfqu d-dħul annwali tagħhom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli (eż. f’perjodu ta’ 4 snin), filwaqt li jkollhom il-possibbiltà jallokaw parti mir-riżorsi tagħhom (eż. terz) biex iżommu l-valur tad-dotazzjoni tagħhom u/jew iżiduha. Iż-żieda fid-dotazzjoni ma tapplikax għall-FE li jnħolqu għal perjodu limitat jew għal tip ta’ fondazzjoni hekk imsejħa “spend-down foundation”.

4.5

Il-KESE jixtieq josserva li r-rekwiżiti tal-proposta tal-KE mil-lat tat-trasparenza, b’mod partikolari fejn tidħol il-kwistjoni tal-awditjar estern, huma iżjed esiġenti għall-FE rigward id-daqs tal-assi meħtieġa tagħhom milli r-rekwiżiti eżistenti għall-fondazzjonijiet nazzjonali fl-UE. Dan jista’ jiskoraġġixxi l-użu tal-FE fil-ġejjieni. Ir-rekwiżiti tal-awditjar għandhom ikunu effettivi biss lil hinn minn ċertu limitu/ċerti limiti (eż. EUR 150 000) u/jew numru medju ta’ mill-inqas 50 impjegat. Għall-FE b’assi inqas mil-limitu propost ta’ EUR 150 000, jista’ jintuża eżaminatur indipendenti minflok awditur. Fil-fatt, il-prattiki attwali juru li 8 Stati Membri ma jeħtiġux awditjar estern; fil-każijiet fejn dan huwa meħtieġ, il-limiti jistgħu jvarjaw bejn ’il fuq minn EUR 15 000 (l-Estonja) sa ’l fuq minn EUR 2,5 miljun (il-Polonja) b’iżjed minn 50 impjegat (3). Dan l-approċċ proporzjonat rigward l-awditjar ma jneħħix l-obbligu tal-FE li tissodisfa dispożizzjonijiet oħra relatati mat-trasparenza u r-responsabbiltà stipulati fir-Regolament, l-iżjed dawk dwar rappurtar pubbliku (annwali) regolari.

4.6

Filwaqt li l-FE għandha tkun tista’ twettaq attivitajiet ekonomiċi “relatati”, jiġifieri relatati mal-missjoni ta’ benefiċċju pubbliku li taqdi, jista’ jkun iżjed diffiċli li jiġi definit il-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi mhux relatati. Jista’ jkun iżjed ċar jekk l-FE jitħallew iwettqu biss attivitajiet ekonomiċi mhux relatati b’mod indirett permezz ta’ entità legali oħra.

4.7

Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-impjegati tal-FE li jiġu informati u kkonsultati fil-livell transnazzjonali adatt f’sitwazzjonijiet fejn l-FE jkollha għadd sinifikanti ta’ impjegati fi Stati Membri differenti, kif ġej:

a)

rigward id-dimensjoni soċjali, b’mod ġenerali, ir-Regolament jirreferi għall-prinċipji tal-liġi tal-post fejn l-impjegati jwettqu ħidmithom,

b)

rigward l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-impjegati, dawn għandhom jiġu ddeterminati l-iżjed permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet fl-FE,

c)

fin-nuqqas ta’ din ix-xorta ta’ ftehim, għandhom jiġu applikati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament għall-finijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, u

d)

l-għan aħħari għandu jkun li jinżammu d-drittijiet miksuba, li attwalment jibbenefikaw minnhom l-impjegati li jaħdmu f’fondazzjonijiet fil-livell nazzjonali, filwaqt li tiġi evitata sistema oppressiva żżejjed.

4.8

Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament kif inhu attwalment de facto joħloq xi dispożizzjonijiet kompletament ġodda għall-voluntiera, allavolja ma hemmx status Ewropew/definizzjoni legali tal-voluntiera, jew id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dawn it-tipi ta’ elementi fundamentali, il-KESE huwa tal-fehma li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-voluntiera fi ħdan l-FE għandhom isiru b’konformità ma’ liġijiet nazzjonali applikabbli. Rigward l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali tal-voluntiera dawn għandhom jiġu ddeterminati l-iżjed permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet fl-FE. L-idea hawnhekk hi ma jiġux evitati la l-liġijiet eżistenti dwar il-voluntiera u lanqas l-istatus tagħhom, kif ukoll li l-użu tal-FE ma jkunx ikkumplikat u oppressiv wisq minħabba li jiżdiedu rekwiżiti li ma jinstabux f’ċirkustanzi reali. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li d-drittijiet tal-voluntiera għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk tal-impjegati; dan joħloq drittijiet mingħajr preċedent u kumplikazzjonijiet legali.

4.9

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta għal Regolament issegwi r-rakkomandazzjonijiet inizjali tiegħu li s-superviżjoni tal-FE tkun delegata lil awtoritajiet kompetenti magħżula apposta fl-Istati Membri fuq il-bażi tal-istandards tal-SFE – li dwarhom ikun intlaħaq ftehim komuni – dwar ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, ir-rappurtar u s-superviżjoni stipulati fir-Regolament dwar l-SFE. Fejn dawn it-tipi ta’ awtoritajiet ma jeżistux, il-KESE huwa tal-fehma li jistgħu jaqdu dan ir-rwol l-awtoritajiet inkarigati mir-reġistrar tal-kumpaniji. Fil-fehma tal-KESE, l-għażla ta’ awtorità waħda jew iżjed abbażi tal-ħtiġijiet u l-prattiki għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

4.10

Jekk il-leġislaturi tal-UE jixtiequ jżommu elementi ta’ taxxa fir-Regolament finali, il-KESE jagħtihom parir iqisu l-approċċ li jirrakkomandaw il-professjonisti fi ħdan is-settur tal-fondazzjonijiet. Dan jista’ jinvolvi, pereżempju, taħlita tal-istrument tal-liġi ċivili (ir-Regolament tal-KE) u r-rekwiżiti tal-liġi tat-taxxa li l-Istati Membri jikkunsidraw bħala essenzjali (eż. il-ħlas tad-dħul annwali fi żmien raġonevoli).

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 18, 19.1.2011, p. 30.

(2)  “Persche” (Kawża C-318/07), “Stauffer” (Kawza C-386/04), “Missionswerk” (Kawża C-25/10).

(3)  Ara l-Profili Legali u Fiskali tal-Pajjiżi fejn joperaw il-Fondazzjonijiet, Ċentru Ewropew tal-Fondazzjonijiet, 2011.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/61


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi”

COM(2012) 131 final — 2012/0061 COD

2012/C 351/13

Relatur: is-Sur JANSON

Nhar it-18 ta’ April 2012 u nhar il-25 ta’ April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Propostsa għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

COM(2012) 131 final – 2012/0061 COD.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1

Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-infurzar tad-direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema hija waħda mill-proposti maħsuba minn naħa biex jissaħħu r-regoli dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema u minn oħra biex tiġi kodifikata l-leġislazzjoni eżistenti li tirregola d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Dawn il-proposti jirrappreżentaw risposta għad-dibattitu li jagħti segwitu għal erba’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Viking-Line, Laval, Rüffert u l-Lussemburgu) dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi.

1.2

Il-KESE, f’żewġ opinjonijiet, talab biex jissaħħu r-regoli li jirrigwardaw l-istazzjonament tal-ħaddiema, fost affarijiet oħra billi jiġu ċċarati u mtejba d-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema u billi tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-KESE jilqa’ l-miri tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ta’ infurzar, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, li jiġu rispettati l-mudelli varji tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, u li jiġi skoraġġut id-dumping soċjali u l-kompetizzjoni inġusta. Il-KESE għaldaqstant jikkunsidra li l-UE għandha tqiegħed aktar enfasi fuq aspetti soċjali.

1.3

Il-KESE jilqa’ l-ħsieb li tiġi infurzata d-direttiva eżistenti, b’enfasi fuq l-implimentazzjoni aħjar u l-kooperazzjoni amministrattiva effettiva bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva oriġinali għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ ambjent ta’ kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri kollha tas-servizzi (inklużi dawk minn Stati Membri oħra) billi tiggarantixxi kemm kundizzjonijiet indaqs kif ukoll ċertezza legali għall-fornituri tas-servizzi, għar-riċevituri tas-servizzi u għall-ħaddiema stazzjonati biex jipprovdu s-servizzi.

1.4

Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-proposta tiggarantixxi protezzjoni għall-ħaddiema stazzjonati u rispett għall-mudelli differenti tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, iżda fl-istess ħin li żżid il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kummerċ transkonfinali, b’mod partikolari billi jiġu evitati spejjeż amministrattivi żejda.

1.5

Sabiex jiġi promoss il-provvediment transnazzjonali tas-servizzi f’ambjent ta’ kompetizzjoni ġusta, huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet minimi ugwali tal-impjieg b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u mal-ftehimiet kollettivi.

1.6

L-elementi fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva m’għandhomx ikunu lista eżawrjenti iżda għandhom jintużaw bħala parti minn valutazzjoni ġenerali fejn jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha.

1.7

Id-direttiva għandha tiżgura aktar rispett għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u r-rwol li dawn għandhom fil-mudelli varji tas-suq tax-xogħol. Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabbiltajiet mil-lat li jiġu żgurati kontrolli effettivi, u jqis li huwa importanti ħafna li wara tliet snin tiġi riveduta l-lista tal-miżuri.

1.8

Sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jobbligaw lill-fornituri ta’ servizz barranin biex jaħtru persuna ta’ kuntatt bis-setgħat meħtieġa biex tinnegozja f’isem il-kumpanija, u l-Artikolu 11(3) għandu jiżgura li t-trejdjunjins tal-pajjiż ospitanti u partijiet oħra jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati b’konformità mal-prattiki nazzjonali.

1.9

Il-KESE jqis il-proposta għal obbligu in solidum f’sitwazzjonijiet ta’ sottokuntrattar bħala kwistjoni kruċjali fil-Proposta għal Direttiva. Dan jipprovdi protezzjoni għall-ħaddiema fis-settur fejn is-sottokuntrattar huwa prevalenti ħafna filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa li min iħaddem ikollu ċertezza fir-rigward tal-obbligi tiegħu. Il-KESE jenfasizza madankollu li l-proposta għandha tirrispetta s-sistemi eżistenti ta’ obbligu in solidum fl-Istati Membri. Il-KESE jirrakkomanda b’qawwa li l-Istati Membri li m’għandhomx tali sistemi jintroduċuhom wara li jkunu kkonsultaw l-imsieħba soċjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-imsieħba soċjali, tipprovdi definizzjoni aktar preċiża ta’ diliġenza dovuta, kif sar f’xi Stati Membri. Mingħajr preġudizzju għad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, il-KESE jifhem li l-kunċett ta’ diliġenża dovuta jfisser li l-kumpaniji li jwettqu verifiki u kontrolli adegwati tas-sottokuntratturi m’għandhomx jinżammu responsabbli.

2.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-infurzar tad-direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema hija parti minn pakkett ta’ proposti. Flimkien mad-direttiva ta’ infurzar, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament li jikkodifika l-leġislazzjoni eżistenti li tirregola d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva f’sitwazzjonijiet transkonfinali (1). Il-Kummissjoni tgħid li l-iskop taż-żewġ proposti huwa li jinħolqu aktar impjiegi tajbin u li tiżdied il-kompetittività tal-UE billi s-suq uniku jiġi aġġornat u mtejjeb mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet tal-ħaddiema.

2.2

Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-infurzar tad-direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema tinkludi dan li ġej:

Kapitolu 1 jistipula qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż u tidwir tar-regoli. Il-proposti jinkludu dispożizzjonijiet biex jiġi determinat jekk impriża ġenwinament twettaqx attivitajiet sostanzjali iktar minn ġestjoni purament interna u/jew attivitajiet amministrattivi. Tingħata deskrizzjoni indikattiva tal-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett tal-impjieg għall-provvediment ta’ servizzi, kif ukoll il-kriterji li jiddeterminaw fiex jikkonsisti l-istabbiliment proprju ta’ fornitur ta’ servizz fi Stat Membru. Dan huwa maħsub sabiex jiġu evitati impjiegi fittizji jew kumpaniji tal-każella postali.

Kapitolu II jistabbilixxi regoli dwar l-aċċess għall-informazzjoni, jiġifieri l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni ta’ impjegati u kumpaniji fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-Artikolu 5 jinkludi miżuri aktar dettaljati sabiex l-informazzjoni dwar ir-regoli tas-suq tax-xogħol ikunu disponibbli b’mod ġenerali, inkluż fejn it-termini u l-kundizzjonijiet huma stipulati minn ftehimiet kollettivi.

Kapitolu III jinkludi dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-istazzjonament. Il-prinċipji ġenerali, ir-regoli u l-proċeduri meħtieġa għal kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva effettiva huma stipulati fl-Artikolu 6, filwaqt li r-rekwiżiti tal-Istat Membru li minnu joriġina l-istazzjonament huwa ttrattat fl-Artikolu 7.

Kapitolu IV jirrigwarda l-monitoraġġ tal-istazzjonament u jkopri miżuri ta’ kontroll nazzjonali fejn l-Istati Membri jistgħu jimponu biss ċerti rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll.

Kapitolu V jirregola l-mekkaniżmi għall-infurzar u l-iżgurar tal-applikazzjoni fil-prattika, it-tressiq ta’ lmenti u d-dritt li jieħdu proċedimenti ġudizjarji jew amministrattivi. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-bażi ta’ (1) obbligazzjonijiet in solidum għar-rimunerazzjoni ta’ ħaddiem stazzjonati fis-settur tal-kostruzzjoni u (2) trattament aħjar tal-ilmenti. Id-dispożizzjonijiet huma limitati għas-settur tal-kostruzzjoni, kif iddefinit fil-lista ta’ attivitajiet inklużi fl-Anness tad-Direttiva 96/71. L-impjieg minn aġenzija ta’ stazzjonament huwa inkluż, sakemm ix-xogħol ikun fis-settur tal-kostruzzjoni. Iżda, l-Istati Membri jistgħu, jekk jixtiequ, jestendu dawn id-dispożizzjonijiet għal setturi oħrajn.

Kapitolu VI jistipula r-regoli dwar l-infurzar transkonfinali ta’ multi u sanzjonijiet amministrattivi. Fl-aħħar nett, il-penalitajiet u d-dispożizzjonijiet fir-rigward tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern huma elenkati fil-Kapitolu VII.

3.   Sfond tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni tinnota li minkejja li l-għadd ta’ ħaddiema stazzjonati jirrappreżenta proporzjon żgħir tal-forza tax-xogħol totali tal-UE, hemm għadd kbir ta’ ħaddiema stazzjonati f’ċerti Stati Membri u l-fenomenu qed isir aktar u aktar komuni. Hemm nuqqas ta’ data ta’ min joqgħod fuqha, iżda huwa stmat li madwar miljun ħaddiem jiġi stazzjonat kull sena. Dan huwa proporzjon żgħir tat-total tal-forza tax-xogol – inqas minn 1 % ta’ dak tal-Istati Membri attwali – iżda jammonta għal madwar 20 % tal-mobbiltà tax-xogħol transkonfinali. Il-pajjiżi li huma affettwati l-aktar huma l-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Polonja.

3.2

Il-proposta tal-Kummissjoni ssegwi dibattitu intensiv li ġie ispirat minn erba’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (Viking-Line, Laval, Rüffert u l-Lussemburgu) dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet soċjali u l-libertajiet ekonomiċi. F’Ottubru 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsieħba soċjali Ewropej wettqu analiżi konġunta tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba mill-Kummissjoni u l-presidenza Franċiża (fit-tieni nofs tal-2008).

3.3

Dawn il-kwistjonijiet tqajmu wkoll fir-rapport dwar it-tnedija mill-ġdid tas-Suq Uniku ppreżentat mill-Professur Mario Monti fl-2012. Ir-rapport irrakkomanda li tiġi żgurata u ċċarata l-applikazzjoni tad-dritt tal-istrajkjar, u li jiġi introdott mekkaniżmu għal soluzzjonijiet informali ta’ tilwim fuq ix-xogħol relatat mal-applikazzjoni tad-Direttiva.

3.4

Il-KESE indirizza l-kwistjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema f’żewġ opinjonijiet: “Id-dimensjoni soċjali tas-Suq Intern” (2) u “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun” (3).

Il-KESE talab għal dan li ġej fl-opinjonijiet tiegħu:

kjarifika u titjib tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema;

kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri;

implimentazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-rimunerazzjoni;

konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali;

nondiskriminazzjoni għall-kumpaniji fis-suq intern.

4.   Kummenti tal-KESE

4.1

Il-KESE jieħu nota tal-Proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li ttejjeb l-infurzar tad-direttiva tal-impjieg ta’ ħaddiema billi tikkjarifika l-kundizzjonijiet għall-ħaddiema stazzjonati u ttejjeb il-faċilitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali, il-kumpaniji u l-ħaddiema rilevanti biex jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni. Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li l-proposta għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, tirrispetta l-mudelli varji tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri u tkun effettiva fl-iskop tagħha li tiskoraġġixxi dumping soċjali u kompetizzjoni inġusta, kif ukoll iżżid il-kamp ta’ applikazzjoni għall-kummerċ transkonfinali billi, speċjalment, timpedixxi spejjeż amministrattivi żejda. Sabiex jiġi promoss il-provvediment transnazzjonali tas-servizzi f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta, huwa importanti li jkun hemm kundizzjonijiet minimi ugwali tal-impjieg, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi.

4.2

Il-KESE jikkunsidra li ċ-ċertezza legali għandha importanza primordjali u jinnota l-inċertezza legali li tirrigwarda l-ħaddiema barranin li jiġu stazzjonati minn aġenzija temporanja. Dawn il-ħaddiema huma koperti mid-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema u d-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija. Biex din l-ambigwità tiġi riżolta, il-KESE jipproponi li d-Direttiva fuq l-infurzar tipprevedi li l-ħaddiema temporanji jkunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, sakemm ma jiġux konklużi termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg aktar vantaġġjużi b’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija.

4.3

Il-pożizzjoni tal-Kumitat hija li s-servizzi transkonfinali huma importanti ħafna għas-suq intern. Sabiex toħloq aċċettazzjoni politika għall-UE u biex iżżid is-solidarjetà fi ħdan l-Unjoni, l-UE għandha tqiegħed aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali tal-politiki tagħha. Sabiex jinkiseb il-potenzjal sħiħ tas-suq intern, l-UE għandha ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali. Il-proposta għal direttiva hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda mhijiex biżżejjed biex tissodisfa x-xewqat tal-Kumitat. Jinħtieġu aktar kjarifikazzjoni u tisħiħ tal-proposta.

4.4

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-hekk imsejħa kumpaniji tal-każella postali, jiġifieri kumpaniji li m’għandhom l-ebda attivitajiet reali fil-pajjiż fejn huma rreġistrati iżda jeżistu biss għall-uniku skop li jevitaw obbligi fil-pajjiż ospitanti. Sabiex ikunu żgurati ċ-ċarezza, iċ-ċertezza legali u l-konsistenza mal-Artikolu 3(2), il-valutazzjoni ta’ jekk intrapriża ġenwinament twettaqx attivitajiet sostanzjali fil-pajjiż fejn hi stabbilita għandha ssir permezz ta’ valutazzjoni ġenerali fejn jitqiesu l-fatturi rilevanti , li jfisser li l-lista m’għandhiex titqies bħala eżawrjenti.

4.5

L-Artikolu 3(2) tal-proposta għal direttiva huwa maħsub biex jiċċara meta ħaddiem għandu jitqies li qed jaqdi xogħlu temporanjament fi Stat Membru ieħor. Id-distinzjoni bejn xogħol temporanju u permanenti fil-pajjiż ospitanti hija importanti ħafna peress li tiddetermina liema liġi tax-xogħol tal-pajjiż għandha tapplika u jekk is-sitwazzjoni tistax anki titqies bħala stazzjonament. Il-KESE jilqa’ l-kjarifiki inklużi fil-proposta, b’mod partikolari r-referenza għall-ħtieġa għal valutazzjoni ġenerali oġġettiva.

4.6

Il-KESE jilqa’ r-regoli l-ġodda dwar l-informazzjoni, iżda jqis li l-Artikolu 5(4) għandu jesprimi wkoll rispett assolut għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali u r-rwol li għandhom l-imsieħba soċjali fil-mudelli varji tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ ukoll li jkun żgurat li l-piż amministrattiv tal-finanzjament tal-kompiti, bħalma huma t-traduzzjonijiet, ma jiġix trasferit lejn l-imsieħba soċjali. Għandhom jiġu appoġġjati l-inizjattivi meħuda mill-imsieħba soċjali settorjali għat-tixrid tal-informazzjoni.

4.7

Fejn huma involuti kontrolli (Artikolu 7) huwa importanti li l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti jkollhom responsabbiltà ġenerali għall-monitoraġġ ta’ abbuż fejn ħaddiem huwa stazzjonat temporanjament minn pajjiż ieħor, u li l-awtoritajiet fil-pajjiż ta’ oriġini għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti. Għandu jkun possibbli wkoll li dawn il-kontrolli jitwettqu fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet fil-pajjiż ospitanti u mhux biss fuq dik tal-awtoritajiet fejn il-kumpanija hija stabbilita.

4.8

L-Artikolu 9(1)(d) jippermetti li l-Istati Membri jimponu obbligu fuq il-fornituri barranin ta’ servizz biex jaħtru persuna ta’ kuntatt sabiex, jekk hemm bżonn, tinnegozja f’isem min iħaddem mal-imsieħba soċjali rilevanti fl-Istat Membru li fih isir l-istazzjonament, b’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. F’ċerti pajjiżi jista’ jkun biżżejjed li tinħatar persuna ta’ kuntatt peress li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiżguraw konformità mal-liġijiet u l-ftehimiet. F’pajjiżi oħra b’mudelli differenti tas-swieq tax-xogħol, il-persuna ta’ kuntatt għandu jkollha s-setgħa li tirrappreżenta l-intrapriża mal-awtoritajiet u t-trejdjunjins. Għaldaqstant, id-direttiva għandha tippermetti mudelli differenti tas-swieq tax-xogħol. L-Artikolu 11(5)(b) għandu jinkludi rekwiżit li tiġi provduta informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet/taxxi tas-sigurtà soċjali u fejn tħallsu.

4.9

L-Artikolu 11(3) jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħrajn li għandhom interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm konformità mad-Direttiva jistgħu jkunu involuti, f’isem jew b’sostenn tal-ħaddiema stazzjonati jew ta’ min jimpjegahom, fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Dan l-artikolu għandu jiżgura li t-trejdjunjins tal-pajjiż ospitanti u partijiet oħra jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati b’konformità mal-prattiki nazzjonali.

4.10

Il-KESE jqis il-proposta għal obbligu in solidum f’sitwazzjonijiet ta’ sottokuntrattar bħala kwistjoni kruċjali fil-Proposta għal Direttiva. Dan jipprovdi protezzjoni għall-ħaddiema fis-settur fejn is-sottokuntrattar huwa prevalenti ħafna filwaqt li jirrispetta l-ħtieġa li min iħaddem ikollu ċertezza fir-rigward tal-obbligi tiegħu. Il-KESE jenfasizza madankollu li l-proposta għandha tirrispetta s-sistemi eżistenti ta’ obbligu in solidum fl-Istati Membri. Il-KESE jirrakkomanda b’qawwa li l-Istati Membri li m’għandhomx tali sistemi biex jintroduċuhom wara li jkunu kkonsultaw l-imsieħba soċjali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-imsieħba soċjali, tipprovdi definizzjoni aktar preċiża, kif sar f’xi Stati Membri. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-imsieħba soċjali jipprovdu definizzjoni aktar preċiża aktar preċiża ta’ diliġenza dovuta, kif diġà sar f’xi Stati Membri. Mingħajr preġudizzju għad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, il-KESE jifhem li l-kunċett ta’ diliġenża dovuta jfisser li l-kumpaniji li jwettqu verifiki u kontrolli adegwati tas-sottokuntratturi m’għandhomx jinżammu responsabbli.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-Kumitat ser joħroġ opinjoni separata dwar din il-proposta.

(2)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 90.

(3)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli — Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)”

COM(2011) 899 final

2012/C 351/14

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)

COM(2011) 899 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni, u jenfasizza b’mod partikolari l-approċċ adottat fil-Pjan ta’ Azzjoni li jikkonsisti mill-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-ostakli eżistenti filwaqt li jissaħħu l-ixpruni li wasslu għal żviluppi pożittivi.

1.2

Ma tistax tingħata definizzjoni universali waħda tal-kunċett “ekoinnovazzjoni” għaliex l-idea ta’ x’inhu “innovattiv” jew “progressiv” tvarja ħafna fis-soċjetà (u fi ħdan il-kulturi differenti). Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji tal-għoti kwalitattivi jew, jekk ikun possibbli, anke kwantitattivi li jkunu ċari kemm jista’ jkun għall-oqsma differenti li fihom trid tieħu azzjoni.

1.3

L-intrapriżi li ser jibbenefikaw mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-ġejjieni għandhom jiġu obbligati jwettqu studju addizzjonali żgħir li jiddeskrivi fejn, fil-fehma tagħhom stess, jinsabu l-akbar ostakli għall-implimentazzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq tat-teknoloġiji tagħhom.

1.4

L-ekoinnovazzjonijiet appoġġjati mill-UE għandhom iħarsu r-riżorsi u jkunu ġusti u sostenibbli matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. L-appoġġ għall-ekoinnovazzjoni għandu jkun marbut mal-kriterji tal-istrateġija tal-UE dwar is-sostenibbiltà.

1.5

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa teknoloġiji ambjentali adattati żgħar. Il-Kumitat, fl-opinjoni tiegħu “Realtajiet u opportunitajiet għal teknoloġiji applikati kontra t-tniġġis fil-pajjiżi li ser jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea” (1), kien diġà saħaq li jeżistu ħafna alternattivi minbarra s-soluzzjonijiet ċentrali l-kbar jew li jkun għaqli li jiġu żviluppati tali alternattivi. Bosta drabi ma jkunx fl-interess taċ-ċentri ta’ riċerka jew tal-investituri li jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi fuq skala żgħira, adattati u deċentralizzati, peress li bihom ftit li xejn jaqilgħu flus proprju għaliex huma rħas iżda effettivi. Il-KESE jirrakkomanda li fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni tintegra r-rakkomandazzjonijiet li tressqu dak iż-żmien fl-opinjoni msemmija.

1.6

Id-diretttivi u r-regolamenti kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Fondi Strutturali u tal-politika agrikola għandhom jiġu riveduti b’mod regolari sabiex jiġi determinat jekk dawn iridux jiġu adattati għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi ambjentali l-ġodda.

1.7

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha fl-aħħar tfassal il-lista ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u wara teliminahom. Illum il-ġurnata m’għadux adegwat li jsir sforz kbir fl-appoġġ għall-ekoinnovazzjoni, u fl-istess ħin issir il-ħsara ambjentali minħabba politika żbaljata tas-sussidji.

2.   Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Sabiex tiġi implimentata u mwettqa l-Istrateġija Ewropa 2020 – l-istrument attwali tal-Kummissjoni għall-governanza u l-ippjanar politiku – tnedew seba’ inizjattivi ewlenin, li huma:

Unjoni tal-Innovazzjoni;

Żgħażagħ Attivi;

Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza;

Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni;

Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi; u

Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

2.2

L-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” għandha titwettaq, fost oħrajn, permezz tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)”, għalkemm dan jikkonċerna wkoll inizjattivi ewlenin oħra, bħall-“Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” u l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”.

2.3

Il-Pjan ta’ Azzjoni jindika li t-teknoloġiji tal-protezzjoni ambjentali jistgħu, minn naħa, jiftħu swieq li qed jikbru b’pass mgħaġġel u, min-naħa l-oħra, joħolqu ħafna impjiegi ġodda.

2.4

Il-Pjan ta’ Azzjoni jkompli jibni fuq il-“Pjan ta’ Azzjoni għal Teknoloġiji Ambjentali” (ETAP, Environmental Technologies Action Plan) tal-2004, iżda l-enfasi tiegħu m’għadhiex biss fuq ir-riċerka tradizzjonali jew l-iżvilupp ta’ tekniki u tekonoloġiji “ekoloġiċi” ġodda. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid aktar għandu jitqies bħala pakkett ta’ miżuri abbażi ta’ kunċett komprensiv tal-ekoinnovazzjoni, fejn jiġi analizzat x’inhuma l-ostakli u l-ixpruni għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u kif l-ostakli jistgħu jiġu eliminati filwaqt li l-ixpruni jiġu promossi.

2.5

Id-dokument tal-Kummissjoni jippreżenta r-riżultati interessanti ta’ stħarriġ dwar dan is-suġġett, liema riżultati jiddeskrivu, u sa ċertu punt jikkwantifikaw, l-ostakli u l-ixpruni.

2.6

Id-domanda inċerta tas-suq u l-qligħ inċert fuq l-investiment jikkostitwixxu tnejn mill-akbar ostakli, filwaqt li l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-materjali, ir-regolamenti u l-istandards ġodda kif ukoll l-aċċess għall-għarfien huma meqjusa fost l-ixpruni prinċipali.

2.7

Jingħad li l-“penetrazzjoni tal-ekoinnovazzjoni fis-swieq s’issa kienet waħda relattivament bil-mod, bl-eċċezzjoni tal-enerġija rinnovabbli bir-riżultat tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima. L-ostakli għall-ekoinnovazzjoni jinkludu n-nuqqas li l-prezzijiet tas-suq jirriflettu b’mod preċiż l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali, strutturi ekonomiċi riġidi, xkiel fl-infrastruttura u ostakli inerenti fis-sistema, u inċentivi u sussidji ta’ ħsara.” Minn dan joħroġ li s-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent għandhom jitneħħew sabiex tissaħħaħ l-ekoinnovazzjoni.

2.8

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jaċċellera l-ekoinnovazzjoni b’mod globali, jiġifieri fis-setturi ekonomiċi kollha, permezz ta’ azzjonijiet immirati. Sabiex tinħoloq domanda tas-suq għall-ekoinnovazzjoni aktar qawwija u stabbli, fil-ġejjieni għandhom jiġu proposti miżuri b’rabta mal-inċentivi regolatorji, l-akkwist pubbliku u privat kif ukoll l-istandards. Barra minn hekk, l-SMEs għandhom jiġu appoġġjati biex ikunu aktar lesti li jinvestu u biex ikollhom aktar possibbiltajiet ta’ netwerking.

2.9

Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni jinkludi d-domanda u l-provvista, ir-riċerka u l-industrija kif ukoll l-istrumenti ta’ politika u ta’ finanzjament. Il-Pjan jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-leġislazzjoni ambjentali bħala xprun tal-ekoinnovazzjoni, u jipprevedi r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni u l-istandards rilevanti fil-każ li joħroġ fid-dieher li dawn huma ostakli.

2.10

Il-Pjan jenfasizza wkoll id-dimensjoni internazzjonali tal-ekoinnovazzjoni u l-koordinazzjoni politika aktar effiċjenti mal-imsieħba internazzjonali.

2.11

B’kollox, il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi seba’ oqsma ta’ azzjoni u kull wieħed minnhom għandu l-punt prinċipali tiegħu:

1.

l-użu tal-politika u tal-leġislazzjoni ambjentali bħala fattur li jippromovi l-ekoinnovazzjoni;

2.

l-appoġġ għal proġetti ta’ wiri u ta’ sħubijiet biex jiddaħħlu fis-suq teknoloġiji operattivi promettenti, intelliġenti u ambizzjużi;

3.

l-iżvilupp ta’ standards ġodda li jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni;

4.

il-mobilizzazzjoni ta’ strumenti finanzjarji u ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs;

5.

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali;

6.

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u l-ħolqien tal-impjiegi u għall-programmi ta’ taħriġ relatati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

7.

il-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni bis-saħħa tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni, li jidher strutturat b’mod loġiku u maħsub sew.

3.2

L-ekoinnovazzjoni hija muftieħ, jekk mhux il-muftieħ ewlieni, sabiex nibqgħu kompetittivi fit-tul u nilħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà, kif ukoll biex ir-reġjuni li s’issa kienu inqas żviluppati jaraw kif jistgħu jtejbu l-ekonomija u l-benesseri tagħhom mingħajr ma jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.

3.3

Madankollu, il-kwistjoni ta’ x’inhi “ekoinnovazzjoni” mhix waħda insinifikanti. Dak li persuna jew kultura tara bħala innovattiv u progressiv jista’ jiffaċċja r-reżistenza ta’ persuni jew kulturi oħra. Dan joħroġ b’mod ċar l-aktar fil-kwistjonijiet tal-inġinerija ġenetika jew l-użu tal-enerġija nukleari. B’hekk jidher ċarament li ma teżistix definizzjoni universali waħda tal-“ekoinnovazzjoni”.

3.4

Madankollu, fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni ġustament tipprova ssib xi tip ta’ definizzjoni. Fil-fehma tagħha, “l-ekoinnovazzjoni hija kwalunkwe forma ta’ innovazzjoni li tirriżulta fi jew li timmira lejn progress sinifikanti u li jista’ jintwera għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, billi jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent, tittejjeb ir-reżistenza għall-pressjonijiet ambjentali, jew billi jintlaħaq użu iktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.” Però xorta waħda jibqa’ mhux ċar x’inhu l-“progress sinifikanti u li jista’ jintwera” fit-tnaqqis tal-ħsara fuq l-ambjent. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, fil-pjan ta’ implimentazzjoni li ser jitressaq ’il quddiem, tiddeskrivi aktar fid-dettall l-oqsma prijoritarji individwali u tiżgura li l-finanzjament tal-UE għall-ekoinnovazzjoni jmur għal proġetti li jikkontribwixxu bl-aktar mod effiċjenti biex jinkisbu l-miri ambjentali ta’ kull settur.

3.5

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li fil-Pjan ta’ Azzjoni tiddefinixxi l-oqsma prijoritarji li għandhom jiġu promossi aktar mill-oħrajn. Dawn jistgħu jinkludu dawk is-setturi tal-politika ambjentali fejn a) għal bosta snin l-Ewropa wettqet progress żgħir ħafna, b) jidher li ser ikun diffiċli biex jinkisbu ċerti għanijiet ambjentali, u c) it-teknoloġiji għadhom għaljin.

3.6

Fil-fehma tal-KESE huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-hekk imsejħa teknoloġiji ambjentali adattati żgħar. Il-Kumitat, fl-opinjoni tiegħu “Realtajiet u opportunitajiet għal teknoloġiji applikati kontra t-tniġġis fil-pajjiżi li ser jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea” (NAT/203 tal-31 ta’ Marzu 2004), kien diġà saħaq li jeżistu ħafna alternattivi minbarra s-soluzzjonijiet ċentrali l-kbar jew li jkun għaqli li jiġu żviluppati tali alternattivi. Bosta drabi ma jkunx fl-interess taċ-ċentri ta’ riċerka jew tal-investituri li jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi fuq skala żgħira, adattati u deċentralizzati, peress li bihom ftit li xejn jaqilgħu flus proprju għaliex huma rħas iżda effettivi. Il-KESE jirrakkomanda li fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni tintegra r-rakkomandazzjonijiet li tressqu dak iż-żmien fl-opinjoni msemmija.

3.7

Għalhekk, l-ekoinnovazzjoni tinkludi kemm it-teknoloġiji ġodda li jidħlu fis-suq kif ukoll ideat u kunċetti li jistgħu jiġu implimentati mingħajr investimenti kbar imma li ftit jiġu żviluppati fl-intrapriżi li jridu jżommu s-sehem tagħhom fis-suq jew li jridu jiftħu swieq ġodda.

3.8

Għaldaqstant, l-iżvilupp ta’ dawn is-soluzzjonijiet adattati, pereżempju għaż-żoni rurali jew għar-reġjuni/pajjiżi inqas żviluppati, għandu jitħeġġeġ mill-inqas bl-istess intensità li tintuża għall-proġetti ta’ riċerka u żvilupp tal-intrapriżi.

3.9

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni b’mod globali, u jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Pjan iħabbar li l-ostakli ser jiġu eżaminati fil-fond.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Madankollu, għadu mhux ċar kif ser jitneħħew dawn l-ostakli, għaliex l-ewwel u qabel kollox dawn l-ostakli għall-innovazzjoni (teknika u mhux teknika) iridu jiġu identifikati. Din hija biċċa xogħol importanti.

4.2

Eżempju konkret ta’ dan huwa li fis-Seba’ Programm ta’ Riċerka l-UE ppromoviet il-proġett “2nd generation vegetable oil”. Dan il-proġett kellu jsib jekk iż-żjut veġetali mhux raffinati u li jiġu prodotti b’mod deċentralizzat jistgħux jintużaw biex iħaddmu t-tratturi agrikoli, li fl-istess ħin jirrispettaw l-istandards Ewropej relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u l-klima. Ir-riżultat hu li l-magni high-tech tal-lum jistgħu jagħmlu dan, filwaqt li l-gassijiet b’effett ta’ serra tnaqqsu b’persentaġġ li jitla’ sa 60 %, livell li huwa aħjar mill-minimu stabbilit fid-Direttiva dwar l-enerġiji rinnovabbli!

4.3

Però din it-teknoloġija, li bla dubju ta’ xejn tista’ tissejjaħ ekoinnovazzjoni, mhux ser tkun tista’ tintuża fl-UE sakemm id-diżil jibqa’ jingħata trattament fiskali vantaġġuż, sakemm il-komponent tas-CO2 fil-miżuri previsti għat-tassazzjoni tal-enerġija jibqa’ baxx daqskemm hu ppjanat, jew sakemm l-użu taż-żejt veġetali jkun kompletament projbit fil-leġislazzjoni.

4.4

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li timponi studju addizzjonali żgħir għall-proġetti kollha ta’ finanzjament li fih jiġu identifikati l-ostakli possibbli jew reali rilevanti. Dan m’għandux ikun rapport xjentifiku ħafna, iżda sempliċement indikazzjonijiet li juru lill-atturi politiċi fejn hemm bżonn ta’ aktar implimentazzjoni.

4.5

Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b’mod regolari d-direttivi u r-regolamenti tagħha kollha kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà fi ħdan il-Fondi Strutturali u l-Politika Agrikola Komuni, sabiex tara jekk dawn iridux jiġu adattati għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi ambjentali l-ġodda.

4.6

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jenfasizza li, kif isir f’ħafna dokumenti oħrajn, dan il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jisħaq li s-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent għandhom jitneħħew. Il-KESE huwa aktar u aktar irritat li l-Kummissjoni, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, għadha ma ppreżentatx lista ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, għalkemm ilha ħames snin twiegħed li ser tagħmel dan. Meta bejn il-kliem u l-fatti jkun hemm diskrepanzi bħal dawn, wieħed jibda jiddubita minn kemm hu sinċier l-impenn tal-Kummissjoni biex tagħmel dan.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 83 (ma ġietx ippubblikata bil-Malti fil-ĠU).


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal”

COM(2012) 196 final

2012/C 351/15

Relatur: is-Sur LONGO

Nhar it-2 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

COM(2012) 196 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jieħu nota tal-Komunikazzjoni diskussa hawnhekk, li tipprova twettaq wieħed mill-impenji tal-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Azzjoni 9) sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tar-riskji u tħeġġeġ lit-tfal ikunu aktar responsabbli u jipparteċipaw aktar fl-użu tal-internet fil-kuntest ta’ viżjoni pożittiva tal-internet bħala “post ta’ opportunitajiet għat-tfal sabiex ikollhom aċċess għall-għarfien, jikkomunikaw, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-perspettivi tagħhom ta’ impjiegi u għall-impjegabilità” (1).

1.2

Aspett importanti tal-Komunikazzjoni jikkonċerna l-impenn biex jinħolqu ħiliet ġodda ta’ livell għoli fir-rigward tas-sikurezza, il-kwalità tal-kontenut u l-applikazzjonijiet il-ġodda. Din l-għażla hija importanti għaliex is-suq Ewropew mhux kbir biżżejjed biex jistimola l-investimenti adegwati.

1.3

Il-Komunikazzjoni tfassal strateġija globali fejn kulħadd jintalab jinvolvi ruħu fl-iżvilupp ta’ din l-“ekosistema ġdida” li ser tkun fundamentali fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, u għalhekk jistħoqqilha li tiġi kkunsidrata.

1.4

Madankollu, il-Kumitat jinnota wkoll xi aspetti kritiċi u nuqqasijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizzahom billi tibdel uħud mill-għażliet u żżid xi proposti ġodda fl-istrateġija.

L-ewwel nett, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-approċċ ġenerali tal-Komunikazzjoni, li tidher li tagħti aktar attenzjoni lit-tkabbir tan-negozju milli lill-ħolqien ta’ internet aħjar għat-tfal li jiggarantixxi l-protezzjoni massima tagħhom.

1.5

Il-KESE huwa konvint li hemm bżonn li l-ewwel nett jiġi definit qafas koerenti ta’ protezzjoni u ta’ garanziji għat-tfal, bħala linji gwida għall-partijiet involuti kollha. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni mhix konkreta u dettaljata biżżejjed.

1.6

Jeżisti dubju wkoll dwar l-effikaċja tal-awtoregolamentazzjoni. Il-Kumitat huwa konvint bis-sħiħ li rigward il-kwistjonijiet l-aktar importanti, bħall-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett tal-privatezza u l-ġlieda kontra l-pedopornografija, għandhom jiġu adottati regoli preċiżi u rigorużi b’sanzjonijiet adegwati li jistgħu saħansitra jinkludu l-għeluq immedjat tal-websajts u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet.

1.7

Ir-reklamar onlajn  (2) għandu jingħata attenzjoni partikolari. Għalkemm il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi l-fraġilità tat-tfal, hija tieħu biss impenji ġeneriċi. Il-Kumitat jemmen li din l-istrateġija hija vaga u insuffiċjenti, u jitlob li jkun hemm obbligi aktar preċiżi u vinkolanti għall-operaturi kollha tas-settur.

1.8

Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li ma ssir l-ebda referenza għar-reklamar tal-ikel u dan huwa preokkupanti ħafna minħabba l-problemi tal-obeżità u l-eating disorders. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni twettaq dak li tistqarr hi stess, jiġifieri li tiżgura “li l-istandards għar-reklamar fuq is-siti elettroniċi għat-tfal jippermettu livell ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak ta’ reklamar fis-servizzi awdjoviżivi”.

1.9

Il-Kumitat mhuwiex kontra l-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiżviluppaw kontenut ta’ kwalità, sakemm l-NGOs iżommu l-libertà u l-indipendenza tagħhom u dawn is-sħubijiet ma jintużawx biex jagħmlu reklam għall-kumpaniji.

1.10

Fir-rigward tal-involviment tat-tfal fil-ħolqien ta’ kontenut ġdid ta’ kwalità, il-Kumitat huwa favur kull azzjoni li ttejjeb il-kreattività taż-żgħażagħ, iżda għandu riservi serji dwar il-viżjoni prevalentement kummerċjali tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati filwaqt li l-protezzjoni titpoġġa fit-tieni post.

1.11

Il-Kumitat jaqbel mal-preokkupazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità bħall-pedopornografija u l-grooming, u jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-linji ta’ emerġenza (hotlines) u li tkompli l-programmi tal-UE li rnexxew, bħal Safer Internet.

1.12

L-azzjoni ta’ prevenzjoni rigward ċerti aspetti tal-użu qarrieqi tal-internet b’rabta mal-kontenut li jista’ jitniżżel fuq il-mowbajls u t-talbets, bħar-ringtones u l-applikazzjonijiet, għandha tissaħħaħ billi tiħrax il-leġislazzjoni tal-UE u billi l-awtoritajiet regolatorji jiġu mfakkra fir-responsabbiltajiet tagħhom.

1.13

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, il-Kumitat diġà esprima t-tħassib u t-talbiet tiegħu b’rabta ma’ din il-problema delikata f’diversi opinjonijiet (3), u jitlob li jkun hemm regoli aktar stretti kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għall-operaturi l-oħra kollha tas-suq Ewropew.

1.14

Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li fil-Komunikazzjoni ma ssir l-ebda referenza u ma tittieħed l-ebda miżura fir-rigward tar-riskji għas-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal, b’mod partikolari d-dipendenzi. Il-Kumitat jittama li dan l-aspett importanti jiġi integrat fl-istrateġija jew li jkun hemm dokument ġdid fuqu.

1.15

Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b’mod kostanti, wiesa’ u fil-fond ir-relazzjoni bejn it-tfal u l-internet, għaliex din id-data hija l-bażi fundamentali sabiex tingħażel l-azzjoni li trid tittieħed (4).

2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1

Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fid-Dinja Diġitali, il-ksib ta’ internet aħjar għat-tfal jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ taħlita ta’ politiki fuq livell Ewropew, nazzjonali u settorjali, b’azzjonijiet li jiġu inklużi fi strateġija globali li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi u tevita l-frammentazzjoni.

2.2

Il-Kummissjoni hija konvinta li r-regolamentazzjoni tibqa’ għażla possibbli, iżda għandha tingħata preferenza lill-awtoregolamentazzjoni tal-operaturi, l-edukazzjoni u l-użu responsabbli tal-internet.

2.3

L-analiżi tal-Kummissjoni tibda b’eżami fil-fond tad-“diskrepanzi u problemi attwali”, li fil-fehma tagħha huma l-frammentazzjoni tas-suq, il-falliment tas-suq li jipprovdi protezzjoni u kwalità fl-UE, id-diffikultà fil-ġestjoni tar-riskji sabiex tinbena l-fiduċja, u n-nuqqas ta’ ħiliet fost it-tfal, li għandhom “defiċit diġitali” reali.

2.4

Il-Komunikazzjoni tipproponi sensiela ta’ linji gwida li għandhom jiggwidaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-katina kollha tal-operaturi tas-settur abbażi ta’ strateġija globali strutturata fuq erba’ pilastri ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku:

l-istimolu tal-kontenut ta’ kwalità tal-internet għaż-żgħażagħ;

is-sensibilizzazzjoni u r-responsabilizzazzjoni;

il-ħolqien ta’ ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet;

il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

2.5

Fl-aħħar mill-aħħar, l-impenn konsiderevoli u suġġestiv li l-Kummissjoni qed titlob mill-Ewropa, l-Istati Membri u l-operaturi tas-servizzi u tal-kontenut hu li tinħoloq “ekosistema ġdida” bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ 10 azzjonijiet:

il-produzzjoni ta’ kontenut kreattiv u edukattiv fuq l-internet;

il-promozzjoni ta’ esperjenzi pożittivi;

il-litteriżmu diġitali u medjatiku u t-tagħlim tas-sikurezza onlajn fl-iskejjel;

is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal;

l-iżvilupp ta’ għodod sempliċi u affidabbli biex jiġi rappurtat il-kontenut ta’ ħsara;

il-konfigurazzjoni tal-privatezza adattata skont l-età;

it-tixrid u l-affidabbiltà tal-kontrolli tal-ġenituri;

l-użu tal-klassifikazzjoni tal-kontenut (sistema PEGI);

ir-reklamar onlajn u l-kontroll tal-infiq (ringtones tat-telefon, eċċ.), logħob tal-azzard onlajn;

il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal (materjal onlajn, kollaborazzjoni internazzjonali, eċċ.).

3.   Kummenti ġenerali

a)   L-aspetti pożittivi

3.1

Il-Kumitat jieħu nota b’interess kbir ta’ din il-Komunikazzjoni, li l-ġustifikazzjoni sostanzjali tagħha tinsab fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat ta’ Lisbona li jipprevedi b’mod espliċitu li l-Unjoni għandha tippromovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li huma ratifikati wkoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 24).

3.2

Barra minn hekk, dan huwa wieħed mill-impenji li jinsabu fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (5), li fl-Azzjoni 9 tipprevedi interventi li jgħinu lill-Istati Membri u l-partijiet interessati oħrajn sabiex isaħħu l-prevenzjoni, jagħmlu lit-tfal aktar responsabbli u jħeġġuhom jipparteċipaw aktar biex jibbenefikaw kemm jistgħu mit-teknoloġiji onlajn, u jiġġieldu s-cyber-bullying, il-kuntatt ma’ kontenut dannuż u riskji oħra marbutin man-navigazzjoni onlajn.

3.3

Ta’ min japprezza l-approċċ ġenerali b’viżjoni pożittiva tal-internet, li jitqies bħala “post ta’ opportunitajiet għat-tfal sabiex ikollhom aċċess għall-għarfien, jikkomunikaw, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-perspettivi tagħhom ta’ impjiegi u għall-impjegabilità” (6).

3.4

L-internet, għalhekk, joffri opportunitajiet kbar li però jridu jintużaw bil-kapaċità, l-għarfien u l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu evitati d-diffikultajiet u l-perikli. In-“navigazzjoni onlajn” hija metafora tqila u mimlija tifsiriet għaliex l-internet jitqies bħala ambjent naturali, fisjoloġiku u mhux patoloġiku, jiġifieri bħala “baħar” li fih wieħed irid jitgħallem jiċċaqlaq biex jisfrutta bis-sħiħ l-opportunitajiet u r-rikkezzi kollha filwaqt li jirrispetta ċerti regoli ta’ mġiba u joqgħod attent għall-perikli.

3.5

Il-Kumitat jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tipproponi li hi stess tikkoordina l-politiki nazzjonali dwar qasam li qiegħed dejjem jikber f’soċjetà li qed tinbidel.

3.6

Aspett importanti ieħor jikkonċerna l-possibbiltà li jinħolqu ħiliet ġodda ta’ livell għoli fir-rigward tas-sikurezza, il-kwalità tal-kontenut u l-applikazzjonijiet il-ġodda.

3.7

Din l-għażla hija importanti għaliex fl-Ewropa s-suq għadu qed isib diffikultà biex jalloka r-riżorsi finanzjarji għall-forniment ta’ kontenut ta’ kwalità u s-suq Ewropew mhux kbir biżżejjed biex jistimola l-investimenti adegwati.

3.8

Fl-istess ħin hemm bżonn li jingħataw risposti għad-defiċit ta’ ħiliet fost it-tfal Ewropej, li għalkemm huma “nattivi diġitali” (“digital natives”) xorta jistqarru li m’għandhomx l-għarfien informatiku meħtieġ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-kwalifiki mitluba.

3.9

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata kif jixraq għaliex hi tfassal strateġija li tinvolvi lil kulħadd fl-iżvilupp ta’ din l-“ekosistema ġdida” li ser tkun fundamentali fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.

b)   Kummenti kritiċi u nuqqasijiet

3.10

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-approċċ ġenerali tal-Komunikazzjoni, u jinnota li hemm xi nuqqasijiet dwar ċerti aspetti partikolari.

Sa mill-ewwel stqarrijiet tal-Komunikazzjoni jidher li t-tkabbir tan-negozju huwa għan prevalenti jew saħansitra importanti daqs il-ħolqien ta’ internet aħjar għat-tfal li jiggarantixxi l-protezzjoni massima tagħhom.

3.11

Fil-fatt, il-Kummissjoni dan tistqarru ċar u tond meta f’punt 1.1 tgħid li, “billi tingħata attenzjoni għat-talbiet tat-tfal tkun qed tinfetaħ firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ negozju”. L-istess isir f’punt 1.2, li jitkellem dwar id-“diskrepanzi u problemi attwali”, fejn tingħata prijorità lill-preokkupazzjonijiet tal-“frammentazzjoni” u l-“falliment tas-suq”, u mbagħad wara jissemmew il-“ġestjoni tar-riskji sabiex tinbena l-fiduċja” u n-“nuqqas ta’ ħiliet” tat-tfal.

3.12

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni meta tirrikonoxxi li f’dawn is-snin ma kienx hemm qafas koerenti u ttieħdu azzjonijiet b’għanijiet speċifiċi, bħall-mezzi tax-xandir u l-pjattaformi teknoloġiċi. Għalhekk, m’hemmx dubju li kienet tinħtieġ bidla deċiżiva favur il-ħolqien ta’ suq diġitali uniku ta’ daqs konsiderevoli li jkun jista’ jikkompeti fuq livell internazzjonali.

Dwar dan l-aħħar punt b’mod partikolari, il-Kumitat esprima fehmtu favur l-azzjoni tal-Kummissjoni f’diversi opinjonijiet.

3.13

Barra minn hekk, kien u għad hemm bżonn li jiġi definit qafas koerenti ta’ protezzjoni u ta’ garanziji għat-tfal, bħala linji gwida għall-partijiet involuti kollha, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-korpi ta’ sorveljanza, l-intrapriżi, l-iskejjel u l-familji. Din il-Komunikazzjoni hija opportunità mitlufa sabiex isir xi ħaġa f’dan ir-rigward.

3.14

Jeżisti dubju wkoll dwar l-effikaċja tal-awtoregolamentazzjoni. L-għażla bejn liġijiet, regolamenti, kontrolli u awtoregolamentazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kontenut tal-internet li jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp psikoloġiku tat-tfal, jew saħansitra l-kontenut antisoċjali jew kriminali, għandha ssir fid-dawl tal-età tat-tfal, tal-kuntest u tal-effikaċja ta’ kull strument, li lkoll jistgħu jkunu siewja u effikaċi (7).

3.15

L-internet huwa mifrux madwar id-dinja kollha u huwa faċli li l-websajts jiġu miftuħa jew rilokati f’pajjiżi li mhumiex soġġetti għal-leġislazzjoni Ewropea. L-awtoregolamentazzjoni tista’ tkun l-aktar mezz utli u rapidu biex tittieħed azzjoni sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali; tista’ tkun għażla temporanja sakemm ikun hemm regolamentazzjoni. M’hemmx dubju, però, li ħafna drabi l-awtoregolamentazzjoni tintuża biex tinganna u ma tiġix rispettata fl-istess intrapriżi li jadottawha. Għalhekk, ikun tajjeb li din tissaħħaħ permezz ta’ monitoraġġi perjodiċi u sanzjonijiet, li jistgħu jagħmlu parti mill-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

3.16

Madankollu, il-Kumitat huwa konvint bis-sħiħ li rigward il-kwistjonijiet l-aktar importanti, bħall-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett tal-privatezza u l-ġlieda kontra l-kontenut illegali tal-pedopornografija, għandhom jiġu adottati regoli preċiżi u rigorużi b’sanzjonijiet adegwati li jistgħu saħansitra jinkludu l-għeluq immedjat tal-websajts u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet.

3.17

Ir-reklamar onlajn għandu jingħata attenzjoni partikolari. Il-Kummissjoni stess, f’punt 2.3.4, tirrikonoxxi li, “it-tfal […] ma jkunux għadhom żviluppaw l-abbiltà li jifhmu b’mod kritiku l-messaġġi tar-reklami”. Bħala eżempji, hi ssemmi x-xiri onlajn, il-logħob tal-azzard u r-ringtones, u żżid tgħid li, “dan kollu jista’ jinvolvi pagamenti għoljin”. Iżda mbagħad tieħu biss impenji ġeneriċi fir-rigward taż-żieda tal-kontroll fuq ir-rispett tar-regolamentazzjoni tal-UE, l-evalwazzjonijiet tal-effikaċja tal-kodiċijiet tal-awtoregolamentazzjoni, l-approfondiment tal-Aġenda tal-Konsumatur, eċċ.

Il-Kumitat jemmen li din l-istrateġija hija vaga u insuffiċjenti, u jitlob li jkun hemm impenji aktar preċiżi u vinkolanti għall-operaturi kollha tas-settur.

3.18

B’rabta ma’ dan il-punt, il-Kumitat jinnota wkoll li ma ssir l-ebda referenza għar-reklamar tal-ikel u dan huwa preokkupanti ħafna minħabba l-problemi tal-obeżità u tal-eating disorders.

4.   Kummenti speċifiċi

a)   Kontenut ta’ kwalità, ħiliet u skejjel

4.1

Il-Kumitat jaqbel li l-iskejjel m’għandhomx ir-riżorsi ta’ tagħlim onlajn rilevanti, u hu mhuwiex kontra l-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bil-parteċipazzjoni tal-ġenituri, l-għalliema u l-NGOs li jaħdmu biex jipproteġu lit-tfal u jippromovu d-drittijiet tagħhom, sakemm l-istess NGOs iżommu l-libertà u l-indipendenza tagħhom u dawn is-sħubijiet ma jintużawx biex jagħmlu reklam għall-kumpaniji.

4.1.1

Huwa importanti li jinxterdu kemm jista’ jkun il-ħafna sperimenti li qed isiru f’bosta pajjiżi, bħall-ħolqien ta’ kotba tal-iskola interattivi bis-saħħa tal-“metodu wiki” (8), l-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-iskola virtwali li jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom, u d-disponibbiltà onlajn ta’ korsijiet ta’ taħriġ awtonomu mill-bogħod.

4.1.2

Fir-rigward tal-involviment tat-tfal fil-ħolqien ta’ kontenut ġdid ta’ kwalità, il-Kumitat huwa favur kull azzjoni li ttejjeb il-kreattività taż-żgħażagħ għaliex jaf tajjeb li kienu ż-żgħażagħ li ħolqu l-innovazzjonijiet kbar tal-aħħar snin, bħall-Google, il-Facebook u l-applikazzjonijiet tal-Apple. Però l-Kumitat huwa mħasseb dwar it-tendenza li, kif joħroġ fid-dieher ftit jew wisq f’diversi partijiet tal-istrateġija, il-Kummissjoni tadotta viżjoni prevalentement kummerċjali tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati filwaqt li l-protezzjoni titpoġġa fit-tieni post.

4.1.3

Ikun tajjeb li fl-iżvilupp tal-kontenut ta’ tagħlim u tal-kontenut interattiv ta’ kwalità maħsub għat-tfal jiġu mistiedna jipparteċipaw gruppi ta’ esperti ta’ livell għoli (psikologi tal-iżvilupp, pedagogi, eċċ.) bil-għan li jipproponu materjal aktar adatt għall-etajiet differenti u l-proċessi ta’ żvilupp li jistgħu jinbdew; li jħejju pubblikazzjonijiet qosra maħsubin kemm għall-għalliema kif ukoll għall-ġenituri; li jieħdu sehem fil-klassifikazzjoni skont l-età tal-websajts u tal-videogames; u li jikkollaboraw fil-ħolqien ta’ portali dedikati u ta’ kontenut stimolanti ta’ kwalità.

4.1.4

L-isforzi biex jinħoloq dan il-kontenut jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ faċilitazzjoni tal-UE u ta’ vantaġġi fiskali nazzjonali. Huwa mixtieq ukoll li jinħoloq programm Ewropew ta’ kontenut u applikazzjonijiet ta’ kwalità, li jista’ jinkoraġġixxi b’mod partikolari l-ħolqien ta’ start-ups miż-żgħażagħ, li huma protagonisti magħrufin fl-innovazzjoni fuq l-internet.

4.1.5

Il-KESE jieħu din l-okkażjoni biex jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni diretta tagħha mat-tfal fuq il-portal “Europa”, b’mod partikolari rigward ir-riskji tal-internet, permezz ta’ kontenut maħluq apposta għalihom.

b)   Il - litteriżmu diġitali tal-adulti

4.2

F’sitwazzjoni li tista’ tissejjaħ transitorja, fejn il-ġenerazzjonijiet tan-“nattivi diġitali” qed jgħixu flimkien ma’ ġenerazzjonijiet li m’għaddewx għalkollox mill-użu passiv (televiżjoni, stampa, ċinema) għall-użu attiv tal-mezzi tax-xandir minkejja li għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu lit-tfal mill-ħsara li tista’ ssirilhom, l-aħjar triq hi li jissaħħaħ b’mod kontinwu l-litteriżmu diġitali tal-adulti, b’mod partikolari dawk li jedukaw lit-tfal fl-iskejjel, fil-familja u fl-għaqdiet. Għandu jiġi evitat ir-riskju li t-tfal tagħna jsiru “orfni diġitali”, mingħajr gwida li tkun kapaċi tmexxihom u tgħinhom jieħdu kontroll tal-għażliet tagħhom.

4.2.1

Il-programm tal-Kummissjoni jista’ jkun aktar preċiż dwar dan il-punt kif ukoll dwar il-parti li tirreferi għall-internet bħala għodda għall-iżvilupp tal-kreattività u t-tagħlim. Iż-żewġ aspetti jridu jintrabtu flimkien biex iħeġġu attitudni pożittiva fost il-ġenituri (9).

c)   Kontenut illeċitu u qarrieqi

4.3

Il-prevenzjoni mir-riskji u l-promozzjoni tal-internet bħala għodda għall-iżvilupp tat-tfal huma aspetti inseparabbli tal-istess proċess, liema proċess jippermetti l-prevenzjoni mingħajr problemi. Huwa importanti li jinsab bilanċ bejn il-kurżità naturali tat-tfal u l-ostakli tal-projbizzjonijiet, li jistgħu jittardjaw jew ixekklu t-triq lejn il-maturità u l-awtonomija.

4.3.1

Il-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità, bħall-pedopornografija u l-grooming, u l-ġlieda kontra s-cyber-bullying jirrikjedu li l-adulti jkunu kapaċi jevalwaw is-sinjali ta’ skumdità. Għal dan il-għan, jidher li hemm bżonn l-involviment tal-esperti – psikologi tal-iżvilupp, newropsikjatri tat-tfal, pedjatri, esperti tal-counselling u tobba tal-familja – fil-produzzjoni ta’ korsijiet u materjali maħsubin għall-ġenituri u l-edukaturi.

4.3.2

Barra minn hekk, tista’ tiġi studjata s-soluzzjoni teknika biex kull brawżer jinkludi simbolu grafiku intuwittiv li għandu jinxtered b’pubbliċità adegwata u li jservi bħala “sejħa ta’ emerġenza” sabiex il-link suspettuż jintbagħat dak il-ħin stess lill-awtorità tal-infurzar kompetenti.

4.3.3

Għandha tissaħħaħ ukoll l-azzjoni ta’ prevenzjoni rigward ċerti aspetti tal-użu qarrieqi tal-internet, li l-vittmi prinċipali tagħhom ikunu t-tfal. B’mod partikolari, rigward il-kontenut li jista’ jitniżżel fuq il-mowbajls u t-talbets, bħar-ringtones u l-applikazzjonijiet, għandha tiħrax il-leġislazzjoni tal-UE u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu mfakkra fir-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-Kumitat jaqbel mal-impenn tal-Kummissjoni (punt 2.3.4) li tiżgura “li l-istandards għar-reklamar fuq is-siti elettroniċi għat-tfal jippermettu livell ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak ta’ reklamar fis-servizzi awdjoviżivi”.

4.3.4

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prezz tas-softwer ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni tas-sikurezza informatika (filtri, antivirus, kontrolli tal-ġenituri, eċċ.). Jeħtieġ li jiġi evitat li jinħoloq “risk divide” fis-sens li minħabba l-ispejjeż għaljin tas-softwer, it-tfal, il-familji u l-iskejjel inqas vantaġġati jkunu aktar esposti għall-perikli tal-informatika.

4.4

Madankollu, jibqa’ dejjem indispensabbli u ċentrali li l-prevenzjoni ssir permezz tal-edukazzjoni fil-familja u fl-iskola, qabel ma jittieħdu l-azzjonijiet ta’ infurzar. Jeħtieġ li jittejjeb it-taħriġ tal-għalliema billi l-kurrikuli ta’ studju tagħhom ikunu jinkludu l-għarfien tal-internet. Barra minn hekk, jista’ jkun tajjeb ukoll li l-iskejjel jiddefinixxu u jxerrdu xi tip ta’ “etikett” rigward l-użu tal-mowbajls u tan-netwerks soċjali, b’regoli li jaqblu fuqhom it-tfal, l-għalliema u l-familji.

d)   Protezzjoni tad-data personali

4.5

Fl-aħħar snin il-Kumitat esprima t-tħassib u t-talbiet tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data personali f’diversi opinjonijiet. Il-Kumitat jaħseb li għandhom jintalbu regoli aktar stretti kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għall-operaturi l-oħra kollha tas-suq Ewropew. B’mod partikolari, rigward in-netwerks soċjali, għandha tiġi miġġielda l-azzjoni li tidher bħala “semplifikazzjoni” min-naħa tal-Google u l-Facebook, li però fil-verità jidhru li qegħdin jieħdu ċerta libertà fl-użu kummerċjali tad-data personali miksuba mill-profili tal-utenti. F’dan ir-rigward, tinħtieġ aktar kawtela fil-każ tat-tfal (10).

e)   Saħħa u dipendenzi

4.6

Il-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza u ma tieħu l-ebda miżura rigward ir-riskji għas-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal li jqattgħu ħafna minn ħinhom jinnavigaw fuq l-internet jew jilagħbu bid-diversi mezzi informatiċi: problemi fil-muskoli, fl-għadam u fil-postura, problemi bil-vista, obeżità, dipendenza psikoloġika (11), tendenza għall-iżolament u l-ħrib mir-realtà tal-ħajja.

Huwa mixtieq li dan l-aspett importanti jiġi integrat fl-azzjonijiet jew li jkun hemm dokument ad hoc fuqu u monitoraġġ kostanti tiegħu. L-istatistika Ewropea attwali hija qadima, filwaqt li dan il-fenomenu qiegħed jevolvi b’mod rapidu u kontinwu.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet”ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61; Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi”ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal” (Ara paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-“Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta”, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(4)  L-istatistika tal-Eurostat hija tal-2009, filwaqt li f’diversi pajjiżi sar stħarriġ aktar reċenti fuq livell nazzjonali. Ta’ min isemmi l-istħarriġ EU Kids Online, li ilu jitwettaq mill-2006 fil-qafas tal-programm Safer Internet u issa wasal fit-Tielet Rapport 2011-2014, li jikkonċerna 33 pajjiż.

(5)  COM(2011) 60 final tal-15 ta’ Frar 2011.

(6)  Prijorità ewlenija fl-Aġenda tal-UE dwar il-Ħiliet fl-Informatika, “Ħiliet fl-Elettronika għas-Seklu 21” – COM(2007) 496.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-approċċ proattiv tal-liġi: pass ieħor ’il quddiem lejn regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(8)  Din hi referenza għall-mod kif tinkiteb il-Wikipedija, enċiklopedija diġitali li tista’ tintuża onlajn mingħajr ħlas u li hija l-frott tal-kooperazzjoni ta’ eluf ta’ esperti volontarji.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali”, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-“Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta”, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90; Opinjoni tal-KESE dwar “L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali” (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(11)  L-istudji dwar id-dipendenza fuq l-internet (“internet addiction”) imorru lura għall-1995, meta Dr Kimberly Young waqqfet l-ewwel “Center for Internet Addiction” (www.netaddiction.com) fl-Istati Uniti. F’dawn is-snin saru sondaġġi importanti fil-Ġermanja, l-Italja u r-Repubblika Ċeka.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern”

COM(2012) 238 final

2012/C 351/16

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar il-15 u l-25 ta’ Ġunju 2012 rispettivament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

COM(2012) 238 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern, li għandha l-għan issaħħaħ is-Suq Uniku tal-UE billi tagħti spinta 'l quddiem lill-fiduċja u l-konvenjenza fit-tranżazzjonijiet elettroniċi transkonfinali siguri u mingħajr intoppi.

1.2

Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwi l-avvanz tas-Suq Uniku u jemmen li r-Regolament ser iżid l-effikaċja tas-servizzi onlajn pubbliċi u privati, in-negozju elettroniku u l-kummerċ elettroniku fl-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu jew jistudjaw f'pajjiż ieħor tal-UE u għall-SMEs huma u jiżviluppaw in-negozju transkonfinali tagħhom.

1.3

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-Regolament jipproponi approċċ li huwa newtrali mil-lat ta’ teknoloġija u miftuħ għall-innovazzjoni.

1.4

Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni jmissha pproponiet iżjed minn hekk b'dan ir-Regolament u avvanzat l-iżvilupp tal- identifikazzjoni elettronika Ewropea de facto u de jure għal sett definit ta’ servizzi.

1.5

Filwaqt li jirrikonoxxi li r-regolazzjoni tal-identità hija kompetenza nazzjonali, u filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni issa tikkunsidra kif tista' tiġi introdotta identifikazzjoni elettronika tal-UE standardizzata, disponibbli biex issir applikazzjoni għaliha miċ-ċittadini kollha b'mod volontarju. Skema Ewropea tal-identifikazzjoni elettronika disponibbli għaċ-ċittadini kollha ser tiffaċilita t-twettiq ta’ suq uniku ġenwin għall-prodotti u s-servizzi, tipprovdi b'mod sostanzjali benefiċċji tas-soċjetà u ta’ servizzi, inkluż livell ogħla ta’ protezzjoni kontra l-frodi, klima iktar qawwija ta’ fiduċja bejn l-operaturi ekonomiċi, spejjeż aktar baxxi tal-provvediment ta’ servizz, kif ukoll kwalità ogħla ta’ servizzi u protezzjoni għaċ-ċittadini.

1.6

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa standard tal-identifikazzjoni elettronika tal-UE, simili għall-istandards żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN). Standard tal-identifikazzjoni elettronika tal-UE għandu jiddefinixxi l-parametri għal identifikazzjoni elettronika tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jipprovdi punt fokali għall-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali diversi tal-identifikazzjoni elettronika, kif ukoll mudell għal kwalunkwe skema tal-identifikazzjoni elettronika ġdida li ser tiġi introdotta fejn s'issa għad mhemmx waħda.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tagħti bidu għall-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika tal-UE, disponibbli b'mod volontarju għaċ-ċittadini kollha, billi toħloq skema bażika li tipprovdi identifikazzjoni elettronika awtentikata mill-UE għal sett limitat ta’ tranżazzjonijiet tal-konsumatur tal-kummerċ elettroniku.

1.8

Peress li attwalment għad mhemmx skemi nazzjonali żviluppati sew tal-identifikazzjoni elettronika għan-negozji (persuni ġuridiċi) fi kwalunkwe wieħed mis-27 Stat Membru, il-Kumitat jirrakkomanda li, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-introduzzjoni bikrija ta’ skema Ewropea volontarja tal-identifikazzjoni elettronika għall-persuni ġuridiċi li tista' tinkludi sett definit ta’ parametri għan-negozji kollha fl-UE.

1.9

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet fir-Regolament propost għall-awtentikazzjoni tas-siti elettroniċi. Il-Kumitat jemmen li l-implimentazzjoni bikrija ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ser tiffaċilita l-iżvilupp ta’ klima ta’ fiduċja kbira bejn il-konsumaturi u n-negozji li hija tant vitali għas-suq uniku diġitali.

1.10

Il-Kumitat jerġa' jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-introduzzjoni ta’ marka ta’ fiduċja Ewropea għan-negozji. Kif diġà ġie diskuss f'opinjonijiet preċedenti oħra mill-KESE, marka ta’ fiduċja Ewropea għan-negozji ser iżżid sew il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ transkonfinali u onlajn.

1.11

Il-KESE huwa sodisfatt li r-Regolament propost iqis l-għadd ta’ opinjonijiet tal-Kumitat li talbu għall-armonizzazzjoni transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika, il-firem elettroniċi u s-servizzi fiduċjarji, kif ukoll it-tħassib tal-Kumitat dwar ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u s-sigurtà waqt li jkunu onlajn (1). Il-Kumitat huwa sodisfatt ukoll bil-fatt li l-abbozz ta’ Regolament jinkludi d-dispożizzjoni li l-Istati Membri ser jassumu r-responsabbiltà għas-sistemi ta’ parteċipazzjoni tagħhom.

1.12

Il-Kumitat jinnota li r-Regolament iqis l-istandardizzazzjoni teknika u l-ħidma tal-iżvilupp tal-proċess tal-proġetti STORK (2) biex tiġi stabbilita pjattaforma ta’ Interoperabbiltà Ewropea tal-Identifikazzjoni Elettronika u tiġi implimentata skema prattika li ser toħloq suq intern għall-firem elettroniċi u servizzi fiduċjarji onlajn relatati bejn il-fruntieri. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffaċilita dan l-isforz kritiku u tipprovdi kull appoġġ meħtieġ biex jitħaffef ix-xogħol.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li t-twettiq tar-Regolament propost għandu jkun akkumpanjat minn kampanja ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini biex tispjega kif l-arranġamenti transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika u l-firem elettroniċi ser ikunu qed joperaw fil-prattika, u biex ikunu assigurati dwar kwalunkwe tħassib li jista' jkollhom fir-rigward tal-privatezza u s-sigurtà.

1.14

Hekk kif is-soċjetà diġitali tevolvi u jiġu provduti aktar servizzi pubbliċi kritiċi onlajn, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa kritika li l-Kummissjoni tibqa' tipprovdi appoġġ iffukat għall-istrateġiji li għandhom l-għan li titħaffef l-inklużjoni diġitali madwar l-Unjoni.

1.15

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid fejn l-użu tal-atti delegati huwa invokat fir-Regolament u biex tgħarraf lill-Kumitat għalfejn l-użu tas-setgħa huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Artikoli rilevanti.

2.   Sfond

2.1

Id-Direttiva dwar il-Firem Elettroniċi ilha li ġiet stabbilita aktar minn 12-il sena. Id-Direttiva fiha l-lakuni, bħal pereżempju l-obbligu mhux definit għal superviżjoni nazzjonali tal-fornituri tas-servizz, li qed iżommu lura l-firem elettroniċi transkonfinali, u ma tkoprix ħafna mit-teknoloġijiet l-ġodda.

2.2

Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom oqfsa legali għall-firem elettroniċi, iżda hemm id-diverġenzi bejniethom li jagħmluha de facto impossibbli li jitwettqu t-tranżazzjonijiet elettroniċi transkonfinali. L-istess japplika għas-servizzi fiduċjarji bħat-timbrar tal-ħin u tad-data, is-siġilli elettroniċi u t-twassil, u l-awtentikazzjoni tas-siti elettroniċi, li m'għandhomx interoperabbiltà Ewropea. Għaldaqstant, ir-Regolament jipproponi regoli u prattiki komuni għal dawn is-servizzi.

2.3

Hemm tliet elementi ewlenin fl-abbozz ta’ Regolament:

i.

Itejjeb il-qafas legali tal-firem elettroniċi, u jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Firem Elettroniċi eżistenti. Pereżempju, dan jippermetti li “tiffirma” permezz ta’ telefown mowbajl; jeħtieġ responsabbiltà akbar għas-sigurtà; u jipprovdi regoli ċari u b'saħħithom għas-superviżjoni tas-servizzi tal-firem elettroniċi u servizzi relatati.

ii.

Permezz tal-ħtieġa ta’ rikonoxximent reċiproku bejn sistemi nazzjonali varji ta’ identifikazzjoni elettronika (li hija differenti minn armonizzazzjoni jew ċentralizzazzjoni), ir-Regolament jestendi l-kapaċitajiet – l-opportunitajiet disponibbli bl-identifikazzjoni elettronika eżistenti tiegħek – billi jagħmilha funzjonali bejn il-fruntieri tal-UE.

iii.

Servizzi fiduċjarji oħra huma inklużi għall-ewwel darba fir-Regolament, li jfisser li ser ikun hemm qafas legali ċar u aktar salvagwardji permezz ta’ korpi b'saħħithom ta’ superviżjoni għal fornituri ta’ servizzi relatati mas-siġilli elettroniċi, it-timbrar tal-ħin u tad-data, id-dokumenti elettroniċi, it-twassil elettroniku u l-awtentikazzjoni tas-sit elettroniku.

2.4

Ir-Regolament propost mhux ser:

jobbliga lill-Istati Membri tal-UE biex jintroduċu, jew lill-individwi biex jiksbu, karti tal-identità nazzjonali, karti tal-identità elettroniċi, jew soluzzjonijiet oħra ta’ identifikazzjoni elettronika,

jintroduċi identifikazzjoni elettronika Ewropea jew xi tip ieħor ta’ bażi tad-data Ewropea,

jippermetti jew jirrikjedi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ma’ partijiet oħra.

2.5

Is-servizzi li x'aktarx ser jaraw l-akbar impatt pożittiv ta’ użu akbar ta’ identifikazzjoni elettronika jinkludu l-ġbir tat-taxxa onlajn, il-korsijiet tal-edukazzjoni u servizzi soċjali oħra, l-akkwist elettroniku u s-saħħa elettronika.

2.6

Permezz tal-proġetti STORK, li involvew 17-il Stat Membru li ħadmu fuq l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ interoperabbiltà, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE urew li r-rikonoxximent reċiproku transkonfinali tal-identifikazzjoni elettronika jaħdem.

2.7

L-abbozz ta’ Regolament huwa l-aħħar minn 12-il azzjoni ewlenija proposti fl-Att dwar is-Suq Uniku (3), kif ukoll waħda mill-proposti elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Gvern Elettroniku 2011-2015 (4), il-Pjan Direzzjonali lejn l-Istabbiltà u t-Tkabbir tal-UE (5), u l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-ħolqien ta’ suq uniku diġitali integrat bis-sħiħ huwa ta’ importanza vitali għat-twettiq tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej u s-suċċess tan-negozji tal-UE, b'mod speċjali l-21 miljun SME. Illum, 13-il miljun ċittadin jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE u 150 miljun jagħmlu xiri onlajn; madankollu, 20 % biss tax-xerrejja onlajn tal-UE jixtru prodotti u servizzi minn stat ieħor tal-UE. Il-ħolqien ta’ identifikazzjoni elettronika pan-UE, ta’ firem elettroniċi u ta’ servizzi fiduċjarji armonizzati u interoperabbli (inklużi l-awtentikazzjoni tas-sit elettroniku, it-timbrar tal-ħin u tad-data u s-siġilli elettroniċi) huwa ta’ importanza kritika biex is-suq uniku diġitali javvanza.

3.2

Huwa essenzjali li jiġi promoss l-iżvilupp tal-akkwist elettroniku, sabiex jittejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-kompetizzjoni. Ir-rata attwali tal-użu tal-akkwist elettroniku hija baxxa, fejn mhux aktar minn 5 % tal-proċeduri ta’ akkwist tal-UE jippermettu l-ipproċessar elettroniku.

3.3

Sfortunatament fin-nuqqas ta’ skema ta’ karta tal-identifikazzjoni elettronika Ewropea żviluppaw għadd ta’ skemi nazzjonali diversi. Il-KESE jagħraf li l-politika li l-Kummissjoni qed tipproponi issa f'dan l-abbozz ta’ Regolament, sabiex jiġi faċilitat il-ħolqien ta’ suq uniku diġitali integrat bis-sħiħ sal-2015 (7), hija diretta lejn ir-rikonoxximent legali reċiproku tal-iskemi nazzjonali diversi tal-identifikazzjoni elettronika nazzjonali notifikati, u lejn il-ħolqien ta’ interoperabbiltà teknika konkreta tal-iskemi notifikati kollha.

3.4

Il-Kumitat jinnota l-approċċ evoluzzjonarju meħud mill-Kummissjoni fil-ħolqien ta’ dan ir-Regolament, li jibni fuq id-Direttiva dwar il-Firem Elettroniċi (8), sabiex ikun żgurat li l-persuni u n-negozji jistgħu jużaw l-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika tagħhom stess biex jaċċedu għas-servizzi pubbliċi f'pajjiżi oħra tal-UE fejn huma disponibbli l-identifikazzjonijiet elettroniċi.

3.5

Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-UE teħtieġ skema Ewropea standardizzata tal-identifikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini u n-negozji kollha u jiddispjaċih li r-Regolament ma jippruvax javvanza l-iżvilupp ta’ identifikazzjoni elettronika Ewropea komuni. Minkejja li r-Regolament ser jitlob lill-Istati Membri kollha jaċċettaw l-iskemi nazzjonali kollha tal-identifikazzjoni elettronika notifikati taħt ir-Regolament, dan ser jippermetti li l-pajjiżi jiddeċiedu jekk iridux jinnotifikaw l-iskemi nazzjonali tagħhom jew le, u jirrispetta wkoll il-preferenzi ta’ dawk l-Istati Membri mingħajr skema nazzjonali tal-identifikazzjoni elettronika.

3.6

Għalkemm ir-Regolament propost jirrispetta s-sovranità nazzjonali u ma jagħmilhiex obbligatorja għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jkollhom identifikazzjoni elettronika, għandhom jitqiesu l-benefiċċji ta’ skema Ewropea tal-identifikazzjoni elettronika universali. Biż-żmien, dawk iċ-ċittadini mingħajr identifikazzjoni elettronika ser isibu ruħhom fi żvantaġġ. Sabiex igawdu minn opportunitajiet ugwali, kull ċittadin ser jeħtieġ identifikazzjoni elettronika li tista' tintuża bejn il-fruntieri kollha fl-UE.

3.7

L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ interoperabbiltà madwar l-UE hija ta’ importanza kritika għat-twettiq b'suċċess ta’ tranżazzjonijiet elettroniċi mingħajr intopp li jiddependu fuq l-identifikazzjoni elettronika u t-twettiq tas-servizzi fiduċjarji, u għad irid isir ħafna iktar xogħol sabiex titwettaq pjattaforma Ewropea ta’ interoperabbiltà sħiħa tal-identifikazzjoni elettronika.

3.8

Għandu jkun hemm programm ta’ informazzjoni madwar l-Ewropa kollha sabiex in-nies ikunu avżati kif għandhom jużaw l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji sabiex ikunu jistgħu jipproteġu sew il-privatezza u s-sigurtà tagħhom onlajn. Għandha tiġi implimentata kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni sabiex tikkomunika maċ-ċittadini f'livelli differenti ta’ ħtieġa ta’ informazzjoni u fehim diġitali.

3.9

Bosta persuni għandhom tħassib dwar il-privatezza u s-sigurtà meta jkunu qed iwettqu tranżazzjonijiet ta’ negozju fuq servizzi diġitali. Dan it-tħassib jikber meta ma jifhmux it-teknoloġiji użati sabiex jiġu provduti dawn is-servizzi u dan joħloq biża' u reżistenza żejda. Għandu jsir aktar sforz mill-korpi pubbliċi u l-Istati Membri sabiex jiġi spjegat kif inhuma protetti l-privatezza u s-sigurtà meta jintużaw teknoloġiji ta’ identifikazzjoni elettronika u firem elettroniċi notifikati. F'dan ir-rigward, il-KESE jinnota li l-iskema proposta dwar is-servizzi fiduċjarji tfasslet sabiex ma tiġi rivelata jew skambjata l-ebda data mhux meħtieġa u biex tiġi evitata ċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni.

3.10

F'opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-implimentazzjoni ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE, marka ta’ fiduċja Ewropea, għan-negozji li joperaw onlajn. Marka ta’ fiduċja Ewropea ser tipprovdi assigurazzjoni li n-negozju jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi Ewropea u li d-drittijiet tal-konsumatur ser jiġu protetti. Skema bħal din iżżid il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ onlajn.

3.11

Il-Kumitat jinsab imħasseb li issa li l-Ewropa qed tibda ssir aktar konnessa diġitalment, bl-użu tal-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji, huwa vitali li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għat-teknoloġija u l-ħiliet li jippermettu li dawn jibbenefikaw b'mod ugwali mir-rivoluzzjoni diġitali. L-inklużjoni diġitali għadha kwistjoni kbira għall-UE, fejn kwart mill-popolazzjoni qatt ma użat l-Internet; l-età, is-sess u l-edukazzjoni jibqgħu l-isfidi ewlenin.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra kif għandha tiġi introdotta karta tal-identifikazzjoni elettronika tal-UE għaċ-ċittadini. Jista' jkun li din tinkiseb billi jiġi definit sett ta’ parametri standard li jista' jiġi inkluż fi kwalunkwe skema nazzjonali tal-identifikazzjoni elettronika sabiex jingħata status tal-identifikazzjoni elettronika tal-UE u bl-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika tal-UE awtentikata għal sett speċifiku ta’ servizzi. Għaldaqstant, iċ-ċittadini jistgħu japplikaw għal identifikazzjoni elettronika tal-UE, b'mod volontarju, biex jużawha fejn ma teżisti l-ebda skema nazzjonali.

4.2

Il-Kumitat jixtieq li l-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika tal-UE billi toħloq skema bażika li tipprovdi identifikazzjoni elettronika limitata awtentikata mill-UE għal tranżazzjonijiet tal-konsumatur tal-kummerċ elettroniku. L-awtentikazzjoni ta’ din l-identifikazzjoni elettronika Ewropea tista' tiġi ġestita ċentralment minn awtorità kkontrollata mill-UE li tipprovdi lill-konsumaturi u lin-negozjanti bil-livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà li jirrikjedu.

4.3

Peress li attwalment għad mhemmx skemi nazzjonali żviluppati sew tal-identifikazzjoni elettronika għan-negozji (persuni legali) fi kwalunkwe wieħed mis-27 Stat Membru, il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-opportunità issa biex tippromovi l-introduzzjoni bikrija ta’ skema Ewropea tal-identifikazzjoni elettronika għall-persuni ġuridiċi. It-tfassil ta’ din l-iskema ovvjament għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Jekk taġixxi issa, l-UE tkun qed tevita l-problemi ta’ armonizzazzjoni kkawżati mill-firxa ta’ skemi nazzjonali diversi ta’ identifikazzjoni elettronika għaċ-ċittadini li żviluppat fin-nuqqas ta’ karta universali tal-identifikazzjoni elettronika Ewropea. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika Ewropea għall-persuni ġuridiċi ser toħloq benefiċċju kummerċjali immedjat għall-21 miljun SME tal-Ewropa hekk kif ikunu qed ikabbru n-negozju transkonfinali.

4.4

Il-Kumitat jinnota li f'16 mit-42 Artikolu fl-abbozz ta’ Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati (9) hija mogħtija lill-Kummissjoni. Filwaqt li l-KESE jifhem li l-atti delegati huma meħtieġa biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ ċerti aspetti tekniċi tar-Regolament u jipprovdu lill-Kummissjoni bi flessibbiltà f'dan ir-rigward, il-Kumitat huwa mħasseb dwar użu daqshekk estensiv ta’ dawn is-setgħat. Il-KESE jibża' li s-salvagwardji li jikkonċernaw l-użu tal-atti delegati (10) jistgħu ma jkunux adegwati sabiex jiżguraw li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ikollhom kontroll effettiv tal-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat mill-Kummissjoni, u dan għandu konsegwenzi għas-sigurtà u ċ-ċertezza legali tal-mekkaniżmu.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 97, 28.04.2007, p. 27-32.

ĠU C 228, 22.09.2009, p. 66-68

ĠU C 44, 11.02.2011, p. 178-181

ĠU C 54, 19.02.2011, p. 58-64

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 105-108

ĠU C 229, 31.07.2012, p. 1-6.

(2)  www.eid-stork.eu/

(3)  COM(2011) 206 finali.

(4)  COM(2010) 743 finali.

(5)  COM(2011) 669 finali.

(6)  COM(2010) 245 finali.

(7)  EUCO 2/1/11 u EUCO 52/1/11.

(8)  Direttiva 1999/93/KE (disponibbli fl-Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 13 Volume 24 P. 239 – 248).

(9)  L-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(10)  Is-salvagwardji kif imsemmija fl-Artikolu 290 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Fehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-funzjonament tal-Artikolu 290 tat-TFUE.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp — It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn”

COM(2012) 22 final

2012/C 351/17

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Nhar is-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp. It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn

COM(2012) 22 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat ifakkar li

Wara għaxar snin ta’ politiki proattivi li jgħaqqdu l-kummerċ u l-iżvilupp, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2012 dwar “It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn” (1) tagħti rendikont pjuttost ibbilanċjat f’dinja li qed tinbidel għalkollox. Aktar minn 50 % tal-kummerċ dinji llum il-ġurnata jseħħ mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar għandu l-akbar potenzjal ta’ tkabbir fis-snin li ġejjin. L-ostakli għall-kummerċ inbidlu u aktar minn qatt qabel qed ikunu ostakli nontariffarji – problema kbira għall-esportazzjonijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ integrazzjoni aħjar tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ reġjonali u internazzjonali. Huwa jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-multilateraliżmu u l-konklużjoni rapida ta’ ftehim tad-WTO fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Madankollu, il-KESE jfakkar li l-kummerċ għadu mezz u mhux għan fih innifsu. F’dinja li qed tinbidel, ikkaratterizzata minn pressjoni ambjentali mingħajr preċedent u inugwaljanzi dejjem akbar, l-isfida tal-lum il-ġurnata hija li l-politiki kummerċjali jiġu integrati f’tip ġdid ta’ żvilupp, li jkun aktar inklużiv u aktar sostenibbli.

1.2   Il-Kumitat jappoġġja

Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċ, l-investiment u l-iżvilupp għandha tintlaqa’ bħala l-frott ta’ kollaborazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni pubblika, ir-rilevanza tad-dijanjosi li saret għall-finijiet ta’ koerenza u l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Bidla (2) fl-aspetti li jikkonċernaw il-kummerċ. B’mod partikolari, jilqa’ l-interess li ntwera fir-rigward tal-impatt, is-segwitu u l-valutazzjoni tal-politiki kummerċjali, li joffru bażi aħjar għal approċċ prammatiku għar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp. Il-KESE, flimkien mal-imsieħba tiegħu, jimpenja ruħu f’dan is-segwitu u jixtieq li ssir valutazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment li jistgħu jiltaqgħu magħhom xi pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-KESE jaqbel mal-interess li ntwera fir-rigward tal-aċċess għall-kreditu u l-għajnuna għall-kummerċ għall-operaturi privati u b’mod partikolari għall-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll fir-rigward tal-appoġġ għall-kummerċ lokali u reġjonali bejn il-bdiewa żgħar. Il-KESE jfakkar lill-mexxejja tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-importanza li joħolqu klima ta’ investiment fil-livell nazzjonali u r-rwol kruċjali li taqdi l-offerta produttiva fl-iżvilupp.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tad-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni (DEVCO) tal-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ djalogu strutturat dwar l-iżvilupp – il-“Policy Forum for Development” li bħalissa jinsab f’fażi intermedja sal-2013.

1.3   Il-Kumitat jikkritika

Fir-rigward tad-dinja li qed tinbidel għalkollox, l-urġenza fir-rigward tal-klima u d-distakk li dejjem jikber bejn il-pajjiżi emerġenti u dawk li mhumiex emerġenti, il-Komunikazzjoni tillimita lilha nnifisha għal aġġustament tal-politiki tagħha fosthom ġustifikazzjoni retrospettiva tar-riforma tas-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati (SPĠ). It-tfassil ta’ viżjoni mġedda tal-iżvilupp għandu jsir prijorità għall-UE kif ukoll għall-imsieħba tagħha, u l-kapaċitajiet tagħhom għandhom jissaħħu fid-dawl ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli. Il-Kumitat jappella biex jissokta dibattitu wiesa’ mas-soċjetà ċivili fil-mixja f’din id-direzzjoni.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni ma tindirizzax ċerti suġġetti importanti. B’mod partikolari, ma tislitx it-tagħlimiet kollha mill-analiżi dwar il-frammentazzjoni tal-kummerċ. Il-Komunikazzjoni tikkonferma li llum il-ġurnata hemm tliet gruppi ta’ pajjiżi li jispikkaw fil-kummerċ: il-pajjiżi l-anqas żviluppati, li s-sehem tagħhom fil-kummerċ dinji għadu marġinali, il-pajjiżi emerġenti li qed jikbru b’rata mgħaġġla ħafna u, bejn dawn iż-żewġ gruppi, hemm il-pajjiżi “tan-nofs”. Peress li l-Komunikazzjoni tinsisti fuq il-pajjiżi “l-iktar fil-bżonn” ma tindirizzax b’mod konkret it-trattament kummerċjali mogħti lil dawn il-pajjiżi “tan-nofs” li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) ma tistax tissostitwixxi strateġija għall-iżvilupp.

Fl-aħħar, il-KESE jwissi kontra l-limiti ta’ divrenzjar tal-pajjiżi abbażi tal-kriterju tad-dħul (PDG). Li mmorru lil hinn mill-kriterju tad-dħul nazzjonali (bħalma jsir fil-każ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati) biex issir distinzjoni aħjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, huwa proġett promettenti li l-UE għandha tkompli tħeġġeġ f’fora internazzjonali. Dan huwa suġġett li l-UE tista’ tressaq minn issa fid-diskussjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għal wara l-2015 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

1.4   Il-Kumitat jirrakkomanda

Il-KESE jfakkar li huwa importanti li jitfasslu strateġiji ta’ żvilupp sui generis li jinkludu politiki interni u kummerċjali bil-għan li jkun hemm tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-miżuri interni għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, għas-soluzzjoni tal-fallimenti tas-suq u l-protezzjoni tal-ambjent ekonomiku u uman huma elementi essenzjali għall-istrateġiji ta’ żvilupp. Mingħajr dawn l-elementi, il-kontribut tal-kummerċ għall-iżvilupp jista’ biss ikun marġinali u limitat, b’mod partikolari fil-qasam agrikolu.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-istudji tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli jagħmlu parti minn ċiklu usa’ ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-politiki kummerċjali, mill-ex ante sal-ex post, b’kont meħud tal-objettivi Ewropej tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fl-istrateġija kummerċjali tagħha intiża lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinkludi b’mod aktar strett il-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2012 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-bażi ta’ protezzjoni soċjali.

Il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jiġu integrati f’valutazzjoni globali tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles permezz ta’ proċeduri ta’ segwitu regolari u analiżi ex post ta’ dawn il-ftehimiet fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli ta’ kull ftehim kummerċjali jinkludu impenn speċifiku ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kollu fuq l-iżvilupp sostenibbli.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex fil-fora multilaterali tippromovi aktar l-aċċess ħieles mit-taxxi tal-importazzjoni u tal-kwoti għall-prodotti li jkunu ġejjin mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. It-tisħiħ mill-UE tal-kapaċitajiet ta’ negozjar tal-pajjiżi l-anqas żviluppati bil-għan li jiffirmaw ftehimiet kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar jista’ wkoll isir prijorità tal-Unjoni.

Il-KESE jitlob lill-UE sabiex, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ impass li għadha magħna, tniedi diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (FSE). Il-KESE jixtieq ikun involut mill-qrib f’din l-inizjattiva, u huwa tal-fehma li hija ħaġa tajba li l-ispeċifiċitajiet tal-“pajjiżi tan-nofs” jistgħu jiġu kkunsidrati aħjar f’tali diskussjonijiet.

2.   Tagħlimiet x’jinsiltu mill-frammentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali

2.1   Mill-2006 ’l quddiem, u għall-ewwel darba mir-rivoluzzjoni industrijali ’l hawn, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom sehem ta’ aktar minn 50 % fil-kummerċ internazzjonali. Għaxar snin ilu bdiet isseħħ il-konverġenza bejn id-dħul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi żviluppati, fenomenu li għadu magħruf bħala “irkupru”. Dawn iż-żewġ fenomeni huma marbutin mal-eliminazzjoni tal-ostakli doganali fid-dinja u mar-rwol li jaqdu l-pajjiżi emerġenti, u b’mod partikolari ċ-Ċina, fil-kummerċ dinji. Il-ġeografija tal-kummerċ industrijali miexja lejn l-Asja filwaqt li dik tal-kummerċ agrikolu qed tersaq lejn il-Brażil. Fl-istess ħin il-kompożizzjoni tal-kummerċ qed tittrasforma ruħha: il-kummerċ tal-merkanzija qed jissarraf f’kummerċ tal-kompiti – il-biċċa l-kbira tal-prodotti li jiġu skambjati fid-dinja huma prodotti li għad iridu jiġu proċessati, u mhux prodotti lesti għalkollox. Hemm tliet gruppi ta’ pajjiżi: il-pajjiżi l-anqas żviluppati b’sehem marġinali fil-kummerċ dinji, il-pajjiżi emerġenti li qed jikbru b’rata mgħaġġla u, bejn dawn iż-żewġ gruppi, il-pajjiżi “tan-nofs” li jinkludu l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.2   Madankollu l-bidu ta’ dan il-fenomenu ekonomiku fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ilaħħqu mal-pajjiżi żviluppati jaħbi differenzi importanti li jikkonċernaw ir-rapidità tal-konverġenza bejn il-pajjiżi, għad-detriment tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti. Minn dan il-lat, il-kummerċ mhuwiex ugwali bejn l-aktar pajjiżi foqra u l-pajjiżi l-oħra. Għalkemm kull pajjiż jibbenefika mill-kummerċ, ċerti speċjalizzazzjonijiet għandhom valur miżjud akbar minn oħrajn u b’mod ġenerali l-ispeċjalizzazzjonijiet l-anqas li jrendu (relattivament) għadhom fl-aktar pajjiżi foqra. Dawn il-pajjiżi huma “priġunieri” tal-isfruttament ta’ għadd ta’ riżorsi estrattivi u riżorsi agrikoli tropikali li jipprovdilhom vantaġġ assolut fil-kummerċ, però d-dħul minnhom għandu t-tendenza li jonqos maż-żmien, meta mqabbel mad-dħul mill-attivitajiet industrijali u mis-servizzi.

2.3   Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-materja prima tal-minerali u fil-prodotti agrikoli b’mod partikolari minħabba ż-żieda fid-domanda tal-pajjiżi emerġenti tidher li hija opportunità tajba għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jesportaw dawn il-prodotti. Madankollu, hemm riskju li din iż-żieda taqfilhom fl-ispeċjalizzazzjoni tal-prodotti primarji u b’hekk ikunu esposti għas-“saħta tal-materji primi” (reżiljenza dgħajfa għax-xokkijiet, instabbiltà tad-dħul mill-esportazzjoni u tal-baġits pubbliċi, tendenza li jiġu stabbiliti renti u li jiġu ffinanzjati l-kunflitti armati) u għall-fenomenu tas-sovravalutazzjoni tar-rati tal-kambju u l-ħtif tal-artijiet. Id-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet hija meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli ta’ ekonomija. Madankollu, hemm ir-riskju li s-swieq isaħħu d-dipendenza storika tal-ekonomiji li qed jiżviluppaw minn dawn il-prodotti.

2.4   Il-fenomenu ta’ “rkupru” ekonomiku huwa akkumpanjat ukoll minn żieda fl-inugwaljanzi fil-pajjiżi. L-Istat għandu jiżgura t-tqassim ġust tal-qligħ mil-liberalizzazzjoni kummerċjali fl-ekonomija u fit-territorji kollha tiegħu b’mod ġenerali. Il-qligħ mill-kummerċ u t-tkabbir ma jinqasamx mill-ewwel mal-atturi kollha tal-ekonomija u b’mod partikolari ma’ dawk l-aktar vulnerabbli. Għalhekk huwa importanti li jitfasslu strateġiji ta’ żvilupp sui generis li jinkludu politiki interni u kummerċjali bil-għan li jkun hemm tkabbir kondiviż. B’bażi fiskali limitata u kapaċitajiet baġitarji aktar dgħajfa, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw hawnhekk jiffaċċjaw żvantaġġ ieħor.

2.5   Hekk kif il-ġeografija u l-kompożizzjoni tal-kummerċ qed jevolvu, il-politiki industrijali u kummerċjali qed jevolvu wkoll. F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ internazzjonali nbidlet minħabba l-erożjoni tal-preferenzi kummerċjali u tal-multiplikazzjoni tal-ftehimiet reġjonali u bilaterali. Fid-dokument ta’ ħidma tagħha, il-Kummissjoni tinnota marġinalizzazzjoni persistenti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ dinji. L-approċċ proattiv stabbilit mill-Komunikazzjoni tal-2002 bil-għan li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp ma kienx biżżejjed biex l-anqas pajjiżi żviluppati jiġu integrati aktar fil-kummerċ dinji – kważi l-kummerċ kollu jsir “mingħajrhom”.

2.6   Il-kompetizzjoni m’għadhiex fil-fruntieri iżda fil-pajjiżi stess. B’mod ġenerali, apparti xi linji tariffarji, l-ostakli għall-kummerċ qed isiru dejjem aktar ostakli nontariffarji bħall-istandards, il-kodiċi, is-sussidji u r-regolamentazzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-emerġenża taċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil (BRICs) turi mhux daqstant il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni kummerċjali iżda l-benefiċċji ta’ strateġiji ta’ żvilupp ċari u pjanati, adatti u awtonomi, li jirrikonċiljaw il-politiki pubbliċi volontaristiċi u l-istimoli tas-swieq. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ strateġija għall-iżvilupp u l-kapaċità li tiġi influwenzata l-globalizzazzjoni jikkostitwixxu t-tielet inugwaljanza li jkollhom jiffaċċjaw il-pajjiżi l-anqas żviluppati.

2.7   L-inugwaljanzi tad-dħul mill-ispeċjalizzazzjoni kummerċjali, l-inugwaljanzi fil-kapaċitajiet ta’ finanzjament ta’ tkabbir ekoloġiku u inklużiv, u fl-aħħar l-inugwaljanzi fil-kapaċitajiet politiċi għat-tfassil, l-ipprogrammar u t-tmexxija ta’ strateġija ta’ żvilupp huma t-tliet inugwaljanzi li jolqtu lill-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ “modern”. Dawn l-inugwaljanzi huma interkonnessi u x’aktarx joktru jekk ma titteħidx azzjoni kollettiva adatta li tinkludi politiki kummerċjali, politiki tal-investiment u politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif previst fit-Tmien Għan ta’ Żvilupp tal-Millenju.

3.   Il-bżonn ta’ viżjoni strateġika Ewropea f’dinja li qed tinbidel, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020

3.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp tikkonferma l-prinċipji ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-2002 iżda tenfasizza l-bżonn li ssir distinzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex nikkonċentraw fuq dawk li l-aktar għandhom bżonn l-għajnuna. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tistabbilixxi sitt prijoritajiet għal dawn l-għaxar snin: preferenzi kummerċjali aktar immirati, għajnuna għall-kummerċ aktar effettiva, il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-investiment dirett barrani, negozjar flessibbli – skont id-dħul tal-pajjiżi – ta’ ftehimiet kompluti ta’ kummerċ ħieles, il-promozzjoni tal-governanza tajba (inkluż l-iżvilupp sostenibbli), u fl-aħħar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-aktar pajjiżi vulnerabbli għax-xokkijiet esterni u interni.

3.2   Il-KESE jappoġġja tali prijoritajiet li jirriflettu l-kontinwità iżda jenfasizza l-fatt li dawn il-prijoritajiet jindirizzaw b’mod parzjali biss it-tliet sfidi ewlenin attwali tal-iżvilupp. Il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp hija mibnija fuq materjal utli ħafna li nġabar matul il-konsultazzjoni pubblika eċċellenti dwar is-suġġett li saret fl-2011 u għandha tintlaqa’ tajjeb bħala l-frott ta’ kollaborazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali. Hija komplementari għall-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ, it-tkabbir u l-affarijiet dinjija li għadha s-sinsla tar-rabta bejn il-kummerċ u l-Istrateġija Ewropa 2020. Apparti l-avvanzi ta’ din il-Komunikazzjoni speċifika bħaż-żieda fid-divrenzjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u interess dejjem akbar għall-operaturi privati, il-Komunikazzjoni dwar ir-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp m’għandhiex viżjoni prospettiva mġedda.

3.3   Kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni u l-istudju li sar qabilha, l-integrazzjoni fis-suq dinji mhijiex għan fiha nnifisha u lanqas mhi kundizzjoni suffiċjenti għall-iżvilupp. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-aċċess għas-suq mhumiex strateġija tal-iżvilupp: huma biss element minnha. Il-miżuri interni għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, is-soluzzjoni tal-falliment tas-suq u l-protezzjoni tal-ambjent ekonomiku u uman huma elementi indispensabbli għall-istrateġiji ta’ żvilupp u prerekwiżiti għall-ksib ta’ vantaġġi mill-kummerċ, b’mod partikolari fil-qasam agrikolu.

3.4   Mingħajr viżjoni kondiviża tal-iżvilupp, l-inizjattivi politiċi ta’ aċċess privileġġat għas-swieq barranin, bħas-SPĠ u l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) implimentati mill-Unjoni Ewropea ma setgħux iwasslu għall-qabża mistennija fit-tkabbir. L-aktar ħaġa inkwetanti mhijiex il-benefiċċji ekonomiċi limitati ta’ dawn l-inizjattivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda r-rieda politika dgħajfa fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati minn tali inizjattivi. L-iskala eżatta tal-qligħ mistenni mit-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u nontariffarji għandha tiġi ddikjarata b’mod aktar ċar mill-Unjoni, kemm għaliha kif ukoll għall-pajjiżi msieħba tagħha. Fl-aħħar, l-Unjoni għandha turi l-koerenza tal-politika esterna tagħha fir-rigward tal-pajjiżi AKP, politika li tipprivileġġa d-dimensjoni reġjonali fir-rigward tal-kummerċ (EPA) (3), peress li l-politiki ta’ żvilupp u ta’ tkabbir jibqgħu nazzjonali fir-reġjuni kkonċernati.

3.5   Is-sitwazzjoni hija l-istess fil-livell multilaterali. Għall-kuntrarju ta’ dak li nistgħu nosservaw fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti, daħlu għall-isfida tan-negozjati, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti ftit li xejn huma involuti politikament fiċ-Ċiklu ta’ Doha. Il-prijoritajiet u l-bżonnijiet tal-pajjiżi li jirċievu għajnuna għall-kummerċ għadhom mhux stabbiliti tajjeb, minħabba nuqqas ta’ kapaċità u ta’ spazju politiku biżżejjed f’dawn il-pajjiżi għat-tfassil ta’ strateġiji ta’ żvilupp sostenibbli.

3.6   Fid-difiża tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp għadha bbażata fuq l-ispirtu ta’ ftehim bejn l-istati nazzjonali sovrani. Madankollu, fil-prattika, din id-diplomazija sseħħ ma’ pajjiżi dgħajfa u b’kapaċitajiet limitati. Għaldaqstant illum il-ġurnata l-kummerċ jitwarrab fl-istrateġiji tal-iżvilupp u fil-programmazzjoni tal-għajnuna. It-tfassil ta’ viżjoni mġedda tal-iżvilupp għandu jsir prijorità għall-Unjoni kif ukoll għall-imsieħba tagħha, u l-kapaċitajiet tagħhom għandhom jissaħħu għal dan il-għan. L-implimentazzjoni ta’ politiki nazzjonali hija essenzjali biex il-kummerċ isir wieħed mill-fatturi ta’ żvilupp. Fil-perjodu qasir, il-prammatiżmu, l-ippruvar sakemm jintlaħaq l-aħjar riżultat (trial and error) u l-esperimentazzjoni għandhom jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-kummerċ għall-iżvilupp u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ din il-viżjoni b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.   Approċċ prammatiku tal-kummerċ u l-investiment għas-servizz ta’ viżjoni tal-iżvilupp

4.1   Niżvluppaw il-kapaċitajiet u mekkaniżmi ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-kummerċ

4.1.1

In-natura empirika tar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp tirrikjedi l-iżvilupp ta’ approċċ prammatiku tal-politiki kummerċjali f’perspettiva ta’ sperimentazzjoni u ta’ tagħlim. Jekk ftehim kummerċjali huwiex tajjeb għall-iżvilupp mhijiex xi ħaġa li tista’ tiġi determinata jew affermata minn qabel. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li għamel f’opinjoni preċedenti li l-istudji tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli jagħmlu parti minn ċiklu usa’ ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-politiki kummerċjali, mill-ex ante sal-ex post, b’kont meħud tal-objettivi Ewropej tal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.1.2

Is-segwitu u l-valutazzjoni huma partikolarment meħtieġa fil-qasam tal-politiki ta’ appoġġ tal-ftehimiet kummerċjali bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ta’ dawn il-politiki permezz ta’ reviżjonijiet suċċessivi. Huma meħtieġa wkoll għall-analiżi tad-dispożizzjonijiet dwar l-“iżvilupp sostenibbli”. Il-KESE jafferma mill-ġdid li dawn għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-Unjoni. Il-KESE jirrakkomanda li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jiġu integrati f’valutazzjoni globali tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles permezz ta’ proċeduri ta’ segwitu regolari u analiżi ex post ta’ dawn il-ftehimiet fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli li qed jiġu negozjati bħalissa jinkludu impenn speċifiku ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim kollu dwar l-iżvilupp sostenibbli.

4.1.3

Il-valutazzjoni fuq bażi regolari tal-effikaċja u l-impatt tal-iffaċilitar tal-kummerċ u tal-modi differenti ta’ aċċess għas-suq proposti mill-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (trattament speċjali u divrenzjat, FSE, SPĠ, eċċ.) għandhom iwasslu wkoll għall-konsolidazzjoni tal-elementi li llum il-ġurnata huma essenzjali għall-politiki tal-Unjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt, xjentifika u indipendenti, hija fil-qalba tar-reviżjoni tal-politiki dwar l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp. B’ammont totali ta’ aktar minn EUR 10 biljun fl-2010, l-għajnuna għall-kummerċ tkun aktar effikaċi u rilevanti permezz tat-tfassil ta’ indikaturi għall-valutazzjonijiet tal-effetti.

4.1.4

Apparti l-SPĠ, għadhom mhux qed jintużaw il-marġnijiet ta’ flessibbiltà li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. B’konformità mal-opinjoni preċedenti, il-KESE jappoġġja kwalunkwe inizjattiva tal-UE bil-għan li tħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jużaw il-mekkaniżmi relatati mas-sigurtà alimentari. Huwa partikolarment neċessarju li, f’oqfsa multilaterali, reġjonali u bilaterali, isir aktar faċli għalihom li jużaw strumenti kummerċjali disponibbli bħall-miżuri ta’ salvagwardja li jippermettulhom jaġixxu f’każ ta’ żieda kbira fl-importazzjonijiet li taf tipperikola l-produzzjoni lokali tal-prodotti tal-ikel (4) u li jkunu jistgħu jkejlu l-effetti tagħha.

4.1.5

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni li ressaq f’Opinjoni preċedenti (5) li jingħataw riżorsi u appoġġ regolari lill-iżvilupp tat-trasparenza, is-segwitu u kredibbiltà ikbar tal-kummerċ ġust. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ il-valutazzjoni sistematika tal-impatti tal-kummerċ ġust mhux biss fuq il-benefiċjarji intiżi iżda wkoll fuq in-nonbenefiċjarji ta’ reġjuni produtturi għall-istess prodotti kkunsidrati.

4.1.6

B’konformità mal-programm ta’ ħidma 2010-2013 li jindirizza l-koerenza tal-politiki tal-iżvilupp, huwa indispensabbli li tiġi valutata l-koerenza tal-mekkaniżmi kummerċjali li jikkonċernaw lill-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-mediċina, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u x-xogħol deċenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni biex fl-istrateġija kummerċjali tagħha intiża lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinkludi b’mod aktar strett il-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2012 tal-ILO dwar il-bażi ta’ protezzjoni soċjali.

4.1.7

Il-KESE jħeġġeġ l-estensjoni tas-segwitu u tal-valutazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment biex jinkludu l-ostakli li jistgħu jiltaqgħu magħhom xi pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.1.8

Biex ikunu effettivi u jwasslu għal riforma tal-politiki kummerċjali favorevoli għall-iżvilupp, it-tagħlim u l-valutazzjoni għandhom jinvolvu b’mod mifrux lis-soċjetà ċivili, lil hinn mill-prattiki attwali, b’mod partikolari fi ħdan mekkaniżmi ta’ segwitu tal-ftehimiet kummerċjali u ta’ sħubija ekonomika.

4.2   Appoġġ għall-operaturi privati tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

4.2.1

Il-KESE jagħraf li l-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-operaturi privati – b’mod partikolari l-bdiewa ż-żgħar u l-intraprendituri ż-żgħar, li huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jenfasizza li jeħtieġ li tiġi promossa ġestjoni responsabbli tan-negozju, li jitħeġġu s-sħubijiet bejn is-settur privat u s-settur pubbliku u li jiġu rikonoxxuti l-forom differenti ta’ intraprenditorija bħall-kooperattivi, il-mutwalitajiet u forom oħra ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali (6). Jagħraf li huwa importanti li jinħolqu klima sigura għall-investiment, liġijiet kummerċjali stabbli, u sistema fiskali ġusta, u li tiġi stabbilita sistema legali effikaċi u prevedibbli li tiggarantixxi s-sigurtà legali tal-investimenti nazzjonali u barranin. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-infrastrutturi u s-servizzi kummerċjali onlajn fi strateġija ta’ tisħiħ u ta’ diversifikazzjoni tal-offerta tal-esportazzjoni.

4.2.2

Il-KESE jappoġġja l-miżuri bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa ż-żgħar u tal-intraprendituri ż-żgħar għall-għajnuna għall-kummerċ biex ikunu jistgħu jibbenefikaw min-negozju u bil-għan li jiġu promossi l-politiki li jwasslu għat-trasferiment tas-settur informali għal attivitajiet reġistrati. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fil-konklużjonijiet tal-istudju konġunt tal-ILO u tad-WTO (7) li jgħid li l-impatt qawwi tal-impjieg informali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ifixkel lill-pajjiżi milli jibbenefikaw mill-ftuħ tal-kummerċ billi jaqfel lill-ħaddiema f’perjodu ta’ tranżizzjoni fin-nassa tal-faqar. L-azzjonijiet favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-appoġġ tax-xogħol fost in-nisa ser jikkontribwixxu għal dan it-trasferiment tas-settur informali lejn l-attivitajiet reġistrati. Il-prijorità mogħtija lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u lill-iżvilupp tal-infrastrutturi għandha tinżamm. Jistgħu jinsiltu tagħlimiet mill-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdan is-sħubija tal-Euromed.

4.2.3

Il-vantaġġ komparattiv tal-UE fl-appoġġ għall-operaturi privati, irrispettivament mill-forma tal-intraprenditorija, għandu jissaħħaħ fir-rigward tal-vantaġġ li għandhom istituzzjonijiet oħra – nazzjonali kif ukoll multilaterali – bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ għajnuna għall-kummerċ tal-Unjoni, b’mod partikolari hekk kif jiżdied il-kummerċ Nofsinhar-Nofsinhar. L-Unjoni għandha tiżgura riżorsi umani għad-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi terzi li jkunu jistgħu jidħlu għall-isfidi u għandha tinvolvi aktar lil dawn id-delegazzjonijiet fil-kapitalizzazzjoni tal-esperjenzi fil-prattika.

4.2.4

L-organizzazzjonijiet professjonali attivi ħafna fis-settur privat jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta’ kooperazzjoni tal-pajjiżi msieħba. Il-konsultazzjoni aktar mill-qrib ta’ dawn il-pajjiżi, permezz tal-KESE, għandha tikkontribwixxi biex tqarreb l-offerta u d-domanda għall-kooperazzjoni. L-esperjenza tan-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u t-tfassil ta’ pjani strateġiċi għat-tnaqqis tal-faqar taħt il-patroċinju tal-Bank Dinji wasslu għat-tisħiħ u l-istrutturar tal-organizzazzjonijiet professjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.2.5

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-idea li r-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi twassal għall-promozzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali fil-livell dinji fil-kummerċ u l-investimenti. Huwa minnu li l-intrapriżi kbar ta’ oriġni Ewropea qdew rwol pijunier biex jintroduċu standards soċjali, ambjentali u ta’ governanza tajba fil-kummerċ, b’mod partikolari permezz ta’ Ftehimiet Qafas Internazzjonali li jinkludu s-sottokuntratturi. Ir-rispett tal-prinċipji gwida tal-OECD għalhekk jikkostitiwixxi proposta tajba li tinkludi mekkaniżmu sabiex jitressqu l-ilmenti f’każ ta’ tilwim. Barra minn hekk, dawn il-prinċipji jirreferu għall-bżonn li tiġi ppubblikata informazzjoni soċjetali rilevanti, affidabbli u li tista’ tiġi verifikata kull sena, u li għandha tiġi ġeneralizzata.

4.3   Inħejju r-riformi tal-governanza dinjija

4.3.1

L-offerta ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-kummerċ u l-iżvilupp għandha tiġi estiża u tinkludi lill-pajjiżi emerġenti, flimkien mal-pajjiżi tal-OECD, li storikament jipprovdu l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u l-aċċess privileġġat għas-swieq. L-aktar marġni ta’ flessibbiltà importanti llum jinsabu fil-pajjiżi emerġenti. B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tippromovi aktar aċċess effettiv – ħieles mit-taxxa tal-importazzjoni u l-kwoti – għall-prodotti li jiġu mill-pajjiżi l-anqas żviluppati f’fora multilaterali (b’mod partikolari fi ħdan il-G20) iżda wkoll fir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi emerġenti. It-tisħiħ mill-UE tal-kapaċità ta’ negozjar tal-pajjiżi l-anqas żviluppati ta’ ftehimiet kummerċjali Nofsinhar-Nofsinhar jista’ wkoll isir prijorità tal-Unjoni.

4.3.2

Il-KESE jinsisti li jittieħdu l-impenji kollha biex jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta’ Doha għall-iżvilupp, tal-anqas fil-forma ta’ ftehim bikri favorevoli għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u li jinkludi impenn qawwi mid-donaturi, irrispettivament jekk ikunux membri tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC). Il-KESE jtenni x-xewqa tiegħu li l-2015 – it-tmiem tal-perjodu għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju – tkun iddedikata għall-kooperazzjoni internazzjonali. Ir-riżultat tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju u l-perspettiva miftuħa tas-Summit Rio+20 dwar l-iżvilupp sostenibbli ser ikunu s-suġġett ta’ Opinjoni tal-Kumitat, fl-istess waqt li jsiru l-konsultazzjonijiet.

4.3.3

Fl-istess ħin, l-istrateġija tal-kummerċ u l-iżvilupp tal-UE ma tistax tkun limitata, minn naħa, għal aktar reċiproċità mal-pajjiżi emerġenti, u min-naħa l-oħra, għall-aċċess ħieles għad-drittijiet għall-prodotti mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ pajjiżi, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li mhumiex emerġenti jew il-pajjiżi “tan-nofs” huma msieħba li magħhom l-UE tista’ tiżviluppa interessi reċiproċi. Jistgħu jkunu alleati serji fil-promozzjoni ta’ governanza mtejba, għan ewlieni tal-UE. Minħabba l-prijorità li tingħata lill-pajjiżi li l-aktar għandhom bżonn għajnuna, f’din il-Komunikazzjoni hemm nuqqas ta’ strateġija espliċita li mhijiex limitata għal SPĠ aktar ristrettiva.

4.3.4

Id-divrenzjar aħjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi mmorru lil hinn mill-kriterju tad-dħul nazzjonali biss (bħalma jsir fil-każ tal-pajjiżi l-anqas żviluppati), huwa proġett promettenti li għadu għaddej biex jittejbu l-effikaċja tat-trattament speċjali u divrenzjat u l-għajnuna għall-kummerċ. Dan huwa suġġett li l-UE tista’ tressaq fid-diskussjoni dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għal wara l-2015 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp. It-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn, COM(2012) 22 final.

(2)  Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla, COM (2011) 637 final.

(3)  Ara d-Dikjarazzjoni finali ta’ Santo Domingo li saret matul it-12-il seminar reġjonali tal-gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali tal-AKP-UE, fil-5 u s-6 ta’ Lulju 2012, http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-acp-eu-twelfth-regional-seminar-fd.24031 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Kummerċ, tkabbir u affarijiet dinjija – Il-politika tal-kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020, COM(2010) 612 final, ĠU C 043, 15.2.2012.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Kontribut għall-Iżvilupp Sostenibbli: Ir-rwol tal-kummerċ Fair Trade u l-iskemi mhux governattivi ta’ assigurazzjoni ta’ sostenibilità relatati mal-kummerċ, COM(2009) 215 final, ĠU C 339, 14.12.2010.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ekonomija soċjali fl-Amerika Latina, ĠU C 143, 22.5.2012.

(7)  Globalization and Informal jobs in Developing Countries (Il-globalizzazzjoni u impjiegi informali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) (mhux disponibbli bil-Malti), studju konġunt WTO/ILO, 2009.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/83


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009”

COM(2012) 298 final — 2012/0158 (COD)

2012/C 351/18

Relatur Ġenerali: is-Sur CURTIS

Nhar il-5 ta’ Lulju u nhar l-10 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009

COM(2012) 298 final – 2012/0158 (COD).

Nhar l-10 ta’ Lulju 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u tad-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012) li jaħtar lis-Sur CURTIS bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’ 122 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-fatt li l-applikabbiltà tal-miżuri tekniċi temporanji stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiżgura ċertezza legali waqt li jkun qed jiġi żviluppat il-qafas ta’ Regolament ġdid dwar il-miżuri tekniċi bħala parti mir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd.

1.2

Dawn il-miżuri tekniċi huma importanti għas-sajd sostenibbli, u jeħtieġ li l-kontinwità tagħhom tkun żgurata. Is-sospensjoni ta’ dawn il-miżuri, anke jekk temporanja, ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-konservazzjoni tal-istokkijiet kif ukoll fuq il-ħabitats vulnerabbli tal-baħar fond – inkluż f'għadd ta’ siti ta’ NATURA 2000. Is-sospensjoni tagħhom timplika wkoll li għadd ta’ derogi ġustifikati u aċċettati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 850/98 ma jibqgħux japplikaw.

1.3

Il-Kumitat jissuġġerixxi li jinżamm il-metodu preċedenti li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-miżuri tekniċi tranżizzjonali fir-Regolament (KE) Nru 1288/2009 għal perjodu addizzjonali ta’ 18-il xahar, minflok ma jiġu inkorporati fir-Regolament (KE) 850/98.

2.   Kuntest

2.1

Fl-4 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ressqet Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi (1), bil-għan li dan jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar u biex tipprovdi għall-implimentazzjoni permanenti tal-miżuri tekniċi stabbiliti fir-Regolament annwali dwar l-opportunitajiet ta’ sajd fuq bażi tranżizzjonali.

2.2

Fir-rigward ta’ din il-proposta, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni korrispondenti li wara l-proċedura regolamentarja, ġiet approvata fl-451 sessjoni plenarja tal-Kumitat tal-25 ta’ Frar 2009 (2).

2.3

L-ipproċessar tar-regolament li jikorrispondi għal din il-proposta min-naħa tal-Kummissjoni ġie ostakolat fl-2009 min-negozjati għall-approvazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona.

2.4

Sadattant, u minħabba fl-urġenza tiegħu, ġie approvat ir-Regolament (KE) Nru 43/2009 li stabbilixxa, għall-2009, il-possibbiltajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet korrispondenti għal popolazzjonijiet speċifiċi u gruppi ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut (3).

2.5

Sadattant, filwaqt li tkompla l-ipproċessar tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri tekniċi matul l-2009, il-miżuri previsti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009 imsemmi hawn fuq, ma baqgħux validi, billi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom intemm.

2.6

Minħabba f'hekk u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali kif ukoll biex tinżamm konservazzjoni u ġestjoni adatta tar-riżorsi tal-baħar, ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1288/2009 li jistabbilixxi miżuri tekniċi tranżitorji mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011 (4); dan jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tal-miżuri tekniċi temporanji li kienu ġew inklużi fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 43/2009 għal perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xahar.

2.7

Fil-kuntest tar-rekwiżiti l-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-2010 l-Kummissjoni rtirat il-proposta tal-2008.

2.8

Il-miżuri ta’ tranżizzjoni ġew estiżi aktar għal 18-il xahar oħra fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 579/2011 peress li kien għadu mhux possibbli li jiġu inklużi fir-Regolament eżistenti (KE) Nru 850/98 dwar il-miżuri tekniċi (jew Regolament ġdid li jissostitwixxi dak ir-Regolament) sat-30 ta’ Ġunju 2011.

2.9

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 850/98 wara r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd u f'konformità magħha, riforma li bħalissa qed tiġi nnegozjata. Għalhekk, mhuwiex possibbli li Regolament ġdid dwar miżuri tekniċi jkun lest biex jidħol fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2013. Minħabba dan, hemm bżonn ta’ soluzzjoni li tiżgura li l-miżuri tekniċi tranżizzjonali jinżammu wara l-31 ta’ Diċembru 2012, biex b'hekk tippermetti li jkun hemm aktar żmien għall-iżvilupp ta’ qafas ġdid għal miżuri tekniċi.

2.10

Il-konsegwenza ta’ dan kollu hija l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, is-suġġett ta’ dan l-abbozz ta’ opinjoni tal-KESE, li jimmodifika r-Regolament (KE) Nru 850/98 sabiex jinkludi l-miżuri tekniċi inkwistjoni.

3.   Kummenti

3.1

Fl-Artikolu 34b ikun iżjed ċar jekk il-paragrafu 3 jitqiegħed qabel il-paragrafu 1: l-eċċezzjonijiet immedjatament qabel il-projbizzjoni ġenerali, bħal ma sar fir-Regolament (KE) Nru 43/2009, u biss wara r-rekwiżit għal permess tas-sajd speċjali għax-xbieki fissi (paragrafu 2 tal-proposta attwali).

3.2

Għandha tiġi estiża l-eċċezzjoni fil-paragrafu 9.12 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009, fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2012. Preċiżament matul l-aħħar tliet xhur tal-2011 u l-ewwel semestru tal-2012, programm ta’ riċerka f'ilma iktar fond minn 600 metru wera livelli baxxi ta’ qabdiet inċidentali ta’ kelb il-baħar, fatt li għandu jagħti din id-deroga lill-flotta ta’ għeżula tal-petriċi, malli r-rapport jiġi vvalidat mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

3.3

Il-paragrafi 1, 2, 4, 5a, 5b, 5c, 5d, 17 u 18 mill-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 43/2009, applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2012, mhumiex riflessi fil-proposta. Il-Kummissjoni spjegat li 5a, c u d huma skaduti mill-1 ta’ Jannar 2012 0, 1 u 2 tneħħew u mhux ħa jiġu inklużi mill-ġdid fuq talba tad-Danimarka, 17 u 18 huma inklużi fil-proposta taħt punt 6 u punt 3 rispettivament.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2008) 324 final.

(2)  ĠU C 218, 11.9.2009.

(3)  ĠU L 22, p. 1. 26.01.2009.

(4)  ĠU L 347. p. 6, 24.12.2009.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija”

COM(2012) 93 final — 2012/0042 (COD)

u dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima”

COM(2012) 94 final

2012/C 351/19

Relatur: is-Sur JÍROVEC

Nhar it-12, il-15 u s-26 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

 

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta’ azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija

COM(2012) 93 final – 2012/0042 (COD)

u dwar

 

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-kontabilizzazzjoni tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-Unjoni b’rabta mat-tibdil fil-klima

COM(2012) 94 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’185 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, din hija proposta ambizzjuża li tirreaġixxi għall-bżonn ta’ sistema tal-kontabilità aktar rigoruża bil-għan li tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali fil-leġislazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni, waqt li tħejji u tfassal il-leġislazzjoni, għandha tiżgura li d-dokumenti rilevanti jintbagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lis-soċjetà ċivili b’mod simultanju, adegwat u fil-ħin. Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet adegwati, li jinkludu lill-esperti, b’rabta mal-aġġornament tad-definizzjonijiet fid-dawl tal-bidliet adottati mill-korpi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) jew fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto u d-definizzjonijiet adottati abbażi ta’ ftehimiet multilaterali oħra. Huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-proposta mad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-UNFCCC.

1.2

Meta jitqies li sal-2015 għandu jiġi negozjat ftehim legali universali dwar it-tibdil fil-klima li skont l-ippjanar attwali għandu jidħol fis-seħħ sal-2020, l-UE issa għandha tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ mudelli ġusti u effikaċi fir-rigward tal-klima li jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima sabiex tappoġġja n-negozjati dwar ftehim globali. Is-settur tal-LULUCF jaqdi rwol importanti f’dan il-kuntest, u għalhekk huwa importanti li jkollna regoli komuni dwar il-kalkolu sew tal-emissjonijiet u sew tal-emissjonijiet maħżuna.

1.3

Il-Kumitat jaħseb li hemm bżonn valutazzjoni olistika mmirata lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-agrikoltura, filwaqt li jitqiesu l-flussi kollha tal-gassijiet b’effett ta’ serra (emissjonijiet kif ukoll assorbimenti) mir-raba’ u l-mergħat kif ukoll mill-attivitajiet tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem. Mill-banda l-oħra, ir-rapportar u l-kontabilizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-attivitajiet tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem diġà huma obbligatorji skont il-Protokoll ta’ Kjoto, u huma koperti wkoll mil-limiti ta’ emissjonijiet tad-“Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz” (1).

1.4

Il-Kumitat ikkonkluda li din il-kwistjoni kumplessa għandha tiġi analizzata aktar fid-dettall filwaqt li jitqies il-kuntest usa’ tal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u tal-ħtiġijiet tal-UE f’dik li hi enerġija. Il-Kumitat jipproponi li tiżdied il-viżibbiltà tal-isforzi ta’ mitigazzjoni fl-agrikoltura, il-forestrija u l-industriji relatati filwaqt li tiġi pprovduta bażi għat-tfassil ta’ inċentivi ta’ politika adegwati, pereżempju fil-Politika Agrikola Komuni, u li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għall-Istati Membri.

1.5

Il-Kummissjoni għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-politiki possibbli kollha, mhux biss fuq dawk relatati mal-ambjent u n-natura, u għandha tipprova toħloq sinerġiji billi torbot dawn il-politiki ma’ xulxin.

1.6

Is-settur tal-forestrija mhux meqjus b’mod olistiku, u lanqas ma jitqies ir-rwol multifunzjonali tiegħu, jiġifieri bħala produttur tal-bijomassa għall-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-UE li l-prodotti tal-injam maħsud jiġu inklużi fir-regoli tal-kontabilità. Il-kunsiderazzjoni tal-karbonju maħżun f’dawn il-prodotti ssaħħaħ ir-rwol tal-injam u tal-prodotti tal-injam fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tal-klima.

1.7

Il-KESE jilqa’ t-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali għaliex fihom tista’ tiġi espressa tajjeb ħafna l-viżibbiltà tal-miżuri possibbli kif jintalab f’punt 1.4. Madankollu, hawnhekk għandhom jitqiesu tliet prinċipji bażiċi:

1)

Il-pjani ta’ azzjoni jridu bilfors ikunu akkumpanjati minn miżuri politiċi oħra jew ikkombinati ma’ miżuri politiċi eżistenti sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas li jippermettu lis-sidien tal-art u lil dawk li jiġġestixxu l-art jimplimentaw miżuri effettivi fis-settur tal-LULUCF b’mod li jagħmel sens mil-lat ekonomiku u mhux biss a spiża tagħhom. Dan għaliex hekk kif illum il-miżuri għall-ħarsien tan-natura jqumu l-flus u ma jiġġenerawx flus, jiġifieri mhumiex attraenti mil-lat ekonomiku, hekk ukoll il-miżuri għall-ħarsien tal-klima (bħaż-żamma ta’ żoni umdi b’kontenut bijoloġiku kbir) ħafna drabi ma jkunux interessanti minn perspettiva ekonomika. Wieħed mill-oqfsa li għandha tistabbilixxi l-UE jrid jipprovdi inċentivi u jinkoraġġixxi lill-produtturi tal-UE sabiex jilħqu l-objettivi stabbiliti, bħalma suppost tagħmel l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet li fiha l-UE b’mod konxju ma tixtieqx tintegra s-settur tal-LULUCF.

2)

Kemm il-pjani ta’ azzjoni kif ukoll il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ rapportar għandhom jinħasbu b’tali mod li sew is-sidien tal-art u dawk li jiġġestixxu l-art u sew l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentawhom bl-inqas piż amministrattiv possibbli.

3)

Ir-regoli u l-miżuri kollha stabbiliti mill-UE għandhom mingħajr dubju ta’ xejn ikunu konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

1.8

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li jiġi stimolat il-potenzjal tas-settur tal-LULUCF li jtaffi t-tibdil fil-klima, u li tiżdied il-viżibbiltà tal-isforzi ta’ mitigazzjoni min-naħa tal-bdiewa. Dan is-settur m’għandux jiġi vvalutat b’mod iżolat, iżda b’mod integrat u bl-użu ta’ sinerġiji mal-politiki eżistenti fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġi evitat il-ħolqien ta’ piż amministrattiv żejjed jew ta’ xogħol doppju, u li jitqiesu b’mod adatt iċ-ċirkustanzi nazzjonali u l-kompetenzi ta’ kull livell. Il-ġestjoni u l-użu attivi tal-foresti tal-UE, kif ukoll l-użu dejjem ikbar ta’ materja prima tal-injam rinnovabbli u sostenibbli bħala għodod kosteffiċjenti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għandhom ikunu l-punt ta’ tluq għall-politika tal-UE dwar il-klima.

1.9

Il-Kumitat jilqa’ t-tentattiv tal-UE li tmur lil hinn mill-ftehimiet ta’ Kopenħagen, Cancun u Durban u l-proposta tagħha li tadotta mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % jekk jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. Fl-istess ħin, madankollu, jappella biex titqies b’mod aktar sensittiv is-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-UE. L-UE għandha wkoll tagħmel pressjoni fuq partijiet oħra tal-UNFCCC sabiex jieħdu passi simili bil-għan li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-karbonju lejn żoni li huma saħansitra aktar bijoloġikament sensittivi mill-UE.

1.10

Fl-aħħar nett, fid-dawl tat-tħejjijiet attwali biex jinħoloq qafas tajjeb tal-PAK għall-perjodu finanzjarju li jmiss, għandu jiġi rikonoxxut li din il-proposta trid tintrabat b’attenzjoni mal-politika agrikola u ma’ politiki oħra tal-UE. Il-karbonju fil-ħamrija ġie bil-mod il-mod inkorporat aħjar fl-evalwazzjonijiet tal-politiki, sabiex il-ħarsien tal-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu kkunsidrati dejjem aktar ukoll fl-agrikoltura u l-forestrija. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ il-fatt li l-proposta ma tinkludix obbligi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-agrikoltura u l-forestrija, liema obbligi jitpoġġew fuq spallejn il-bdiewa u l-forestiera biss. Għall-immappjar aħjar tas-sitwazzjonijiet nazzjonali hemm bżonn biss ta’ investiment moderat fl-Istati Membri.

2.   Kuntest politiku

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni tippreżenta elementi ġodda fir-rigward tal-Protokoll ta’ Kjoto u r-riżultati ta’ Durban (2).

2.1.1

Is-sitwazzjoni tal-lum hi li l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur tal-LULUCF ma jiġux ikkalkolati fil-kuntest tal-objettiv li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE jonqsu b’20 % sal-2020, madankollu huma jitqiesu parzjalment fl-objettiv ikkwantifikat li l-Unjoni tnaqqas u tillimita l-emissjonijiet b’konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta’ Kjoto. Għaldaqstant, jinħtieġu metodi komuni tal-kalkolu sabiex l-emissjonijiet u l-assorbimenti tagħhom jiġu kkalkolati b’mod preċiż u jiġu inklużi fir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UE.

2.1.2

Kwalunkwe proposta legali li tinkludi rapportar obbligatorju għall-ħamrija tal-“mergħat” u r-“raba’” trid tkun konformi mad-deċiżjonijiet meħuda mill-COP 17 tal-UNFCCC f’Durban.

2.1.3

Fir-rigward tal-“ġestjoni tal-foresti”, qabel il-COP 17, il-kontabilizzazzjoni mill-Istati Membri ma kinitx meħtieġa peress li kienet tintuża l-ossidazzjoni instantanja tal-bijomassa maħsuda. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-UE li tinkludi l-prodotti tal-injam maħsud fir-regoli tal-kontabilità, li jfisser li l-karbonju maħżun fir-raggruppamenti tal-prodotti tal-injam maħsud qiegħed jintuża. Dan jista’ jsaħħaħ ir-rwol tal-injam u tal-prodotti tal-injam fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

2.1.4

Sabiex ikompli jiġi żviluppat il-potenzjal tal-forestrija li ssaħħaħ il-mitigazzjoni (kif rikonoxxut fil-proposta), miżuri bħal perjodi itwal ta’ tinwib tas-siġar u l-fatt li jiġi evitat it-tqaċċit totali tas-siġar (kif imsemmi fil-memorandum ta’ spjegazzjoni) u l-konverżjoni ta’ foresti mhux mimsusa ma jistgħux jitqiesu b’mod ġenerali minħabba li jiddependu mill-ispeċi u t-tixjiħ tas-siġar fil-kuntest tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li bħalissa dan mhux inkluż fil-proposta leġislattiva.

2.1.5

Is-sufra hija prodott importanti ħafna fil-grupp tal-“prodotti tal-injam maħsud” minħabba li tippreżenta diversi vantaġġi: hija prodott naturali magħmul minn riżorsi rinnovabbli fi proċess li jirrispetta l-ambjent u li ma jeħtieġx ħsad tas-siġar; l-importanza diġà magħrufa tal-industrija tas-sufra biex tinżamm l-istabbiltà ekoloġika tal-ekosistema Mediterranja fraġli u mhedda; u fl-aħħar nett l-importanza tal-industrija tas-sufra fir-rigward tal-impjieg u d-dħul.

2.2

Il-proposta tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom ifasslu u jżommu kontijiet li jirriflettu b’mod preċiż l-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ “ġestjoni tar-raba’”.

2.2.1

Il-lista ta’ “raggruppamenti tal-karbonju” tinkludi l-“bijomassa tal-wiċċ”, skont il-linji gwida tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għas-settur tal-LULUCF. Il-problema tal-kontabilizzazzjoni tal-“bijomassa tal-wiċċ” fir-raba’ ġejja mid-distinzjoni bejn “erbaċej” (kontabilizzazzjoni tal-karbonju fil-ħamrija biss) u “għudin” (kontabilizzazzjoni tal-bijomassa). Filwaqt li jiġi rikonoxxut il-valur għoli tal-għelejjel perenni bħas-siġar taż-żebbuġ, is-siġar tal-frott jew il-vinji, ma jitqisux l-assorbimenti tas-CO2 mill-għelejjel annwali minħabba li r-referenza hi l-bidliet fil-ħażna tal-karbonju meta mqabbel mal-1990. Ir-rwol tal-prodotti agrikoli bħall-kolza (ikel, għalf u karburant), il-ġwież (għalf u karburant) jew il-ħxejjex (ikel) ma jitqiesx minħabba li jista’ jiġi pperikolat minn bidla fil-ħażna tal-karbonju. Dan għaliex l-IPCC u l-Protokoll ta’ Kjoto jqisu l-għelejjel annwali bħala karbonju newtrali.

2.2.2

Fis-setturi agrikoli, fejn iż-żieda potenzjali fl-assorbimenti mhix sinifikanti – pereżempju fl-użu tal-prodotti tal-injam maħsud – f’xi każijiet il-kontabilizzazzjoni tal-ħamrija għall-agrikoltura tista’ tkun problema u jkollha impatt negattiv. L-inklużjoni tal-emissjonijiet kif ukoll tal-ħżin tal-karbonju għandha tiġi definita b’mod ċar.

2.2.3

F’ċerti żoni bi żvantaġġi relatati mal-klima fejn l-agrikoltura li tiddependi mix-xita tiżgura l-għajxien tal-bdiewa u tappoġġja l-popolazzjoni rurali, jew fejn xi għelejjel perenni huma f’riskju minħabba l-profittabilità baxxa (eż. siġar taż-żebbuġ fin-nofsinhar tal-Ewropa), ir-riskju tal-ebda żieda potenzjali jista’ jwassal ukoll għall-abbandun tal-art u n-nuqqas ta’ interess sabiex din tibqa’ tinħadem. L-Anness IV tal-proposta tal-Kummissjoni jistabbilixxi miżuri li jistgħu jiġu inklużi fil-pjani ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni. Għandu jiġi evitat li dawn il-miżuri jagħmlu l-istess xogħol bħall-miżuri implimentati fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-PAK, bħala “miżuri agroambjentali”, bis-saħħa tal-kwantifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

2.2.4

Il-KESE jilqa’ t-tfassil ta’ pjani ta’ azzjoni nazzjonali għaliex fihom tista’ tiġi espressa tajjeb ħafna l-viżibbiltà tal-miżuri possibbli kif jintalab f’punt 1.4. Madankollu, hawnhekk għandhom jitqiesu tliet prinċipji bażiċi:

1)

Il-pjani ta’ azzjoni jridu bilfors ikunu akkumpanjati minn miżuri politiċi oħra jew ikkombinati ma’ miżuri politiċi eżistenti sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas li jippermettu lis-sidien tal-art u lil dawk li jiġġestixxu l-art jimplimentaw miżuri effettivi fis-settur tal-LULUCF b’mod li jagħmel sens mil-lat ekonomiku u mhux biss a spiża tagħhom. Dan għaliex hekk kif illum il-miżuri għall-ħarsien tan-natura jqumu l-flus u ma jiġġenerawx flus, jiġifieri mhumiex attraenti mil-lat ekonomiku, hekk ukoll il-miżuri għall-ħarsien tal-klima (bħaż-żamma ta’ żoni umdi b’kontenut bijoloġiku kbir) ħafna drabi ma jkunux interessanti minn perspettiva ekonomika. Wieħed mill-oqfsa li għandha tistabbilixxi l-UE jrid jipprovdi inċentivi u jinkoraġġixxi lill-produtturi tal-UE sabiex jilħqu l-objettivi stabbiliti, bħalma suppost tagħmel l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet li fiha l-UE b’mod konxju ma tixtieqx tintegra s-settur tal-LULUCF.

2)

Kemm il-pjani ta’ azzjoni kif ukoll il-proċeduri ta’ kontroll u ta’ rapportar għandhom jinħasbu b’tali mod li sew is-sidien tal-art u dawk li jiġġestixxu l-art u sew l-awtoritajiet ikunu jistgħu jimplimentawhom bl-inqas piż amministrattiv possibbli.

3)

Ir-regoli u l-miżuri kollha stabbiliti mill-UE għandhom mingħajr dubju ta’ xejn ikunu konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tintroduċi sistema tal-kontabilità aktar rigoruża li tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-ftehimiet internazzjonali fil-liġi tal-UE. Il-proposta tirrifletti l-elementi ewlenin tar-regoli tal-kontabilità riveduti għas-settur tal-LULUCF, li ntlaħaq qbil fuqhom f’Durban f’Diċembru 2011 u li ser japplikaw mill-bidu tat-tieni perjodu ta’ impenn fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto. Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha huma differenti mid-deċiżjonijiet meħudin f’Durban, bħall-kontabilizzazzjoni obbligatorja proposta għall-ġestjoni tar-raba’ u l-ġestjoni tal-mergħat u r-regoli tal-kontabilità għad-disturbi naturali.

3.2

Il-proposta li jkun hemm kontabilizzazzjoni obbligatorja ġdida għall-emissjonijiet u l-assorbimenti kollha li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-“ġestjoni tar-raba’” u tal-“ġestjoni tal-mergħat” ser toħloq piż amministrattiv akbar fil-livell nazzjonali u ser tirrikjedi sforzi kbar min-naħa tal-Kummissjoni biex tissorvelja lill-Istati Membri. Ir-regoli tal-kontabilità adottati f’din il-proposta u l-livelli ta’ referenza ser ikunu ta’ importanza kruċjali għall-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kumitat jibża’ li jista’ jkun li jiġu rduppjati l-obbligi tal-Istati Membri stabbiliti fil-qafas tal-UNFCCC min-naħa, u fil-leġislazzjoni tal-UE min-naħa l-oħra.

3.3

Il-foresti tal-UE jipprovdu benefiċċji soċjoekonomiċi kif ukoll servizzi essenzjali għall-ekosistema u jtejbu l-kapaċità li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u li jkun hemm adattament għalih, filwaqt li jneħħu 10 % mill-emissjonijiet kollha tas-CO2 tal-UE fis-sena. Il-foresti joffru firxa wiesgħa ta’ prodotti b’bażi bijoloġika li huma sostenibbli u intelliġenti, u l-injam jirrappreżenta nofs l-enerġija rinnovabbli tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza r-rwol multifunzjonali tal-foresti fis-soċjetà u jappella biex il-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku għalihom li jħaddan kemm l-aspett tal-klima kif ukoll dak tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li ssir fl-UE. Il-foresti huma iktar minn riżervi tal-karbonju, u dan għandu jiġi rikonoxxut fil-politiki relatati mal-klima.

4.   Kummenti

4.1

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura u l-forestrija għandhom il-potenzjal li jtaffu t-tibdil fil-klima. Madankollu, dan il-potenzjal hu limitat minħabba l-kundizzjonijiet u d-disturbi naturali, ir-riskju ta’ saturazzjoni, il-flussi kumplessi, il-kapaċità insuffiċjenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet u l-inċertezzi konsiderevoli relatati mal-metodi tal-kontabilità.

4.2

Il-Kumitat jieħu nota tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u jirrispetta l-opinjoni tiegħu dwar il-fattibbiltà. Madankollu, jeħtieġ li l-għarfien ibbażat fuq ix-xjenza u l-metodi ta’ monitoraġġ jittejbu sabiex tiżdied il-fiduċja fl-inventarji tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra marbuta mal-ħamrija tal-forestrija u tal-agrikoltura. Iridu jittejbu sew il-preċiżjoni u sew il-konsistenza tagħhom u huwa importanti li l-possibbiltajiet ta’ mitigazzjoni jiġu eżaminati minn lenti olistika u bl-użu ta’ approċċ integrat. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jenfasizza l-esperjenza ta’ xi pajjiżi, bħad-Danimarka u l-Portugall, li r-rapportar tagħhom dwar l-argikoltura huwa konformi għalkollox mal-UNFCCC. Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li jiġi nnotat kemm hu kumpless li jitkejlu l-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF, u ma jaqbilx mal-konvinzjoni ċara li dan il-qasam għandu jiġi inkluż fil-miri ta’ tnaqqis tal-Unjoni Ewropea.

4.3

S’issa l-proposta tal-Kummissjoni ma tipprevedix l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fl-impenji tal-UE relatati mal-klima, iżda hi tagħmel l-ewwel pass lejn dan billi toħloq il-kuntest ta’ politika adegwat. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta ma ġietx estiża biex tinkludi referenza għall-effetti kombinati li jirriżultaw mill-forestrija u l-agrikoltura bis-sostituzzjoni tal-karburanti fossili u tal-materjali mhux rinnovabbli mal-bijokarburanti u l-bijomassa. Dan għandu jsir fl-istadji segwenti, li għandhom ikopru wkoll il-proċessi tal-enerġija u l-bijoekonomija b’rabta mal-LULUCF. Dan is-settur m’għandux jiġi vvalutat b’mod iżolat, iżda b’mod integrat u bl-użu ta’ sinerġiji mal-politiki eżistenti fil-livell nazzjonali u tal-UE. L-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-miżuri adegwati.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Deċiżjoni Nru 406/2009/KE.

(2)  Konferenza tal-Partijiet Parteċipanti fil-Protokoll ta’ Kjoto, COP 17, Diċembru 2012, Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd”

COM(2012) 277 final — 2012/143 (COD)

2012/C 351/20

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2012 u nhar il-15 ta’ Ġunju 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

COM(2012) 277 final – 2012/143 (COD)

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012), b’148 vot favur, 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat”

COM(2012) 332 final — 2012/162 (COD)

2012/C 351/21

Nhar it-2 ta’ Lulju 2012 u nhar l-10 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

COM(2012) 332 final – 2012/162 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012), b'141 vot favur, l-ebda vot kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresta tal-kategorija ‘kwalifikati’ fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni u l-aġġornament tal-isem tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni”

COM(2012) 355 final — 012/172 (COD)

2012/C 351/22

Nhar il-5 ta’ Ġunju 2012, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/971/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresta tal-kategorija “kwalifikati” fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni u l-aġġornament tal-isem tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

COM(2012) 355 final – 2012/172 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u l-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012), b’145 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u billi taġġorna l-ismijiet ta’ pajjiż terz u tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni”

COM(2012) 343 final — 2012/0165 (COD)

2012/C 351/23

Nhar il-5 ta’ Ġunju 2012 u nhar it-23 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u billi taġġorna l-ismijiet ta’ pajjiż terz u tal-awtoritajiet responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

COM(2012) 343 final – 2012/0165 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru 2012), b'142 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON