ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.299.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 299

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
4 ta' Ottubru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-482 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012

2012/C 299/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 (opinjoni esploratorja)

1

2012/C 299/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda? (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

6

2012/C 299/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija (ETPs) u l-bidla industrijali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

12

2012/C 299/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

17

2012/C 299/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-intraprendituri nisa — politiki speċifiċi favur it-tkabbir u l-impjieg fl-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2012/C 299/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tan-nisa meħtieġ għal mudell ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

29

2012/C 299/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: x’inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?

34

2012/C 299/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù

39

2012/C 299/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kooperattivi u l-iżvilupp agroalimentari (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

45

2012/C 299/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-1994 u tal-2005 dwar l-avjazzjoni u l-ajruporti fl-UE (opinjoni addizzjonali)

49

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-482 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012

2012/C 299/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: x’tgħallimna mill-esperjenza reċenti? (Green Paper)COM(2012) 7 final

54

2012/C 299/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-fattibiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ StabbiltàCOM(2011) 818 final

60

2012/C 299/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 ’il quddiem)COM(2011) 831 final

72

2012/C 299/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KECOM(2012) 73 final — 2012/0029 (COD)

76

2012/C 299/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħaCOM(2012) 84 final — 2012/0035 (COD)

81

2012/C 299/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissimplifika t-trasferiment tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq UnikuCOM(2012) 164 final — 2012/0082 (COD)

89

2012/C 299/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil — Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiprokaCOM(2011) 835 final

92

2012/C 299/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-ŻgħażagħCOM(2011) 933 final

97

2012/C 299/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014-2020 il-Programm dwar il-ĠustizzjaCOM(2011) 759 final — 2011/0369 (COD)

103

2012/C 299/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viżaCOM(2011) 750 final — 2011/0365 (COD) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-AżilCOM(2011) 751 final — 2011/0366 (COD) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżiCOM(2011) 752 final — 2011/0367 (COD) il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskjiCOM(2011) 753 final — 2011/0368 (COD)

108

2012/C 299/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar White Paper — Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u SostenibbliCOM(2012) 55 final

115

2012/C 299/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020COM(2011) 884 final — 2011/0436 (APP)

122

2012/C 299/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekononimiku u Soċali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni EwropeaCOM(2012) 85 final — 2012/0036 (COD)

128

2012/C 299/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd [li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata]COM(2011) 804 final — 2011/0380 (COD)

133

2012/C 299/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: Strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-EwropaCOM(2012) 148 final

141

2012/C 299/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijietCOM(2012) 155 final — 2012/0077 (COD)

145

2012/C 299/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Informatika ta’ prestazzjoni għolja: post l-Ewropa f’tellieqa globaliCOM(2012) 45 final

148

2012/C 299/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-portCOM(2012) 129 final — 2012/62 (COD) U il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KECOM(2012) 134 final — 2012/65 (COD)

153

2012/C 299/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimentiCOM(2012) 118 final — 2012/0012 (COD)

158

2012/C 299/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Azzjonijiet ewlenin għal Att dwar is-Suq Uniku II (opinjoni esploratorja)

165

2012/C 299/31

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili (opinjoni esploratorja)

170

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-482 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012

4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020” (opinjoni esploratorja)

2012/C 299/01

Relatur: is-Sinjura LOUGHEED

F’ittra tat-18 ta’ April 2012, is-Sinjura Sotiroula Charalambous, Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tar-Republika ta’ Ċipru, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li jmiss, dik Ċiprijotta, li jħejji opinjoni esploratorja dwar

It-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

1.   Rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn tagħhom li jinteraġixxu mal-imsieħba kollha kkonċernati (il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata, il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, il-bliet u kull forma oħra ta’ awtorità lokali) fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-KESE jwiegħed li jibni fuq il-ħidma mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali (KES) u korpi simili u mar-rappreżentanti nazzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata billi jsir il-punt ta’ kuntatt Ewropew u jipprovdi pjattaforma ddedikata biex ikunu jistgħu jaħdmu aktar fuq l-Istrateġija Ewropa 2020.

Fuq perjodu twil, il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa viżjoni fit-tul tal-mira aħħarija tal-impenn tal-partijiet interessati u taħdem biex din tiżviluppaha b’mod gradwali.

Fuq perjodu qasir, il-KESE jemmen li għadd ta’ bidliet żgħar ikollhom impatt kbir fuq il-progress. B’mod partikolari, hemm bżonn urġenti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jqisu mill-ġdid l-iskadenzi u l-arranġamenti sabiex ikun possibbli l-impenn ġenwin u r-responsabbiltà konġunta tal-partijiet interessati kollha.

2.   Daħla

2.1

Fit-18 ta’ April 2012 il-Presidenza li jmiss, dik Ċiprijotta, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni dwar is-suġġett tat-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 peress li għandha l-ħsieb li tqis din il-kwistjoni bħala prijorità għall-Presidenza u għall-EPSCO Informali f’Lulju 2012.

Bis-Semestru Ewropew fit-tielet sena tiegħu, huwa żmien opportun li nħarsu lejn il-proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 u naraw kif jistgħu jiġu żviluppati.

2.2

Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Ewropa 2020 tal-KESE għandu l-kariga li jissorvelja l-ħidma u jġib flimkien il-KES nazzjonali u korpi simili fl-Istati Membri u li jaqsam l-esperjenzi dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Ewropa 2020.

2.3

Ir-rwol tal-KESE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1) issa għandu rikonoxximent sħiħ u l-Kumitat jixtieq jaqsam ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Istrateġija 2020 u s-Semestru Ewropew.

3.   Ewropa 2020 – sistema ġdida

3.1

L-Unjoni Ewropea u l-popolazzjoni tagħha jinsabu fi kriżi ekonomika u finanzjarja gravi li kellha impatt serju fuq l-Unjoni Ewropea kollha u ċ-ċittadini tagħha. Diversi Stati Membri għaddew minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet estremi, u jibqa’ t-tħassib dwar il-livelli ogħla ta’ qgħad. Għaldaqstant, kif stqarr b’diversi opinjonijiet tiegħu tul dawn l-aħħar tliet snin, il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija aktar importanti minn qatt qabel peress li toffri aġenda komprensiva għal riforma li għandha l-għan li tiżgura tkabbir sostenibbli u l-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha.

3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hija l-istrateġija ta’ tkabbir li tistabbilixxi miri f’oqsma ta’ politika ewlenin fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-ambitu tagħha huwa wiesa’ b’ambizzjoni globali li tappoġġja t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li tkopri l-iżviluppi fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-qgħad, il-politika industrijali u l-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li tindirizza l-livelli ta’ faqar, il-politika ta’ koeżjoni u diversi elementi oħra.

3.3

L-għan tal-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li tlaqqa’ l-kompetenzi Ewropej, nazzjonali u dawk konġunti f’sistema ta’ diversi livelli, u b’hekk tgħin tavvanza l-leġittimità tat-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea. Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, l-Ewropa 2020 għandha inizjattivi ewlenin li huma marbutin flimkien u li jipprovdu punt fokali u appoġġ f’oqsma tematiċi importanti, prijoritajiet, miri prinċipali u sistema ta’ sorveljanza msaħħa u rigoruża – bil-possibbiltà ta’ valutazzjonijiet analitiċi tal-iżviluppi (jew in-nuqqas tagħhom) fil-livell nazzjonali.

3.4

Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, il-mekkaniżmu ta’ rappurtar huwa differenti mhux biss għaliex huwa aktar ikkonċentrat, iżda wkoll għaliex huwa marbut mal-proċessi fil-qafas tas-sistemi l-ġodda u mtejba ta’ governanza ekonomika sabiex b’hekk, pereżempju, il-Programm ta’ Stabbiltà u Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riformajitressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea fl-istess żmien u b’hekk tkun possibbli viżjoni aktar sħiħa ta’ fejn jinsabu l-Istati Membri partikolari u fejn beħsiebhom imorru.

3.5

Il-bidla fil-proċess ġiet enfasizzata l-ewwel fid-dokument tal-Istrateġija Ewropa 2020 innifsu li għamilha ċara li “[n]eħtieġu aktar responsabbiltà” u li għal dan il-għan “[i]l-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u reġjonali u tas-sħab soċjali jeħtieġ li jissaħħaħ”. Kien ittieħed impenn speċifiku li kemm il-KESE kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jiġu assoċjati aktar mill-qrib. Din il-ħtieġa għal proċessi parteċipattivi ġiet imtennija f’diversi okkażjonijiet, l-aktar importanti fosthom il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2010 u l-Linji Gwida għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fl-Istrateġija Ewropa 2020 li nħareġ mill-Kummissjoni Ewropea, li jisħaq li “ser ikun importanti li l-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra jiġu assoċjati mill-qrib fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, sabiex isaħħu s-sens ta’ responsabbiltà għall-istrateġija”.

4.   Esperjenza tas-Semestru Ewropew

4.1

Tliet snin wara l-Istrateġija Ewropa 2020 jidher ċar li ħafna Stati Membri ħadu l-impenn li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw fis-Semestru Ewropew u dawn l-imsieħba ġew involuti fil-proċessi nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan l-impenn mhuwiex uniformi, il-livelli ta’ impenn ivarjaw u anke fejn hemm dan l-impenn, il-livelli ta’ parteċipazzjoni ġenwina tal-imsieħba fil-proċess ivarjaw. Filwaqt li diversi Stati Membri jinformaw lill-imsieħba tagħhom u jikkonsultawhom, il-proċess spiss jonqsu punt fokali u għal dawk li jkunu qed jipparteċipaw fih, jista’ jinħass sparpaljat u nieqes minn strateġija globali. B’mod partikolari, il-KESE u oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-iskadenzi li huma qosra ħafna u li prattikament ma jħallu l-ebda ħin għal diskussjoni serja mal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti nazzjonali u reġjonali. Dan it-tħassib ma jinħassx biss fil-livell nazzjonali; ħafna organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew staqsew jekk il-proċess u l-governanza tas-Semestru Ewropew, kif ukoll il-monitoraġġ fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, jistgħux jittejbu. Il-Parlament Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jiddefinixxi aħjar ir-rwol tiegħu u l-kontribut li jista’ jagħti (2) u l-Kumitat tar-Reġjuni qed jagħmel it-tħejjijiet biex joħroġ il-linji gwida tiegħu dalwaqt.

4.2

Fi ħdan il-KESE, it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 ħoloq punt fokali essenzjali għall-ħidma tagħna; b’hekk il-KESE għandu grupp wieħed b’viżjoni globali ta’ dak kollu li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkopri u l-proposti marbutin magħha, aktar milli jħares biss lejn il-biċċiet. Bħalissa, jieħdu sehem b’mod regolari fil-Kumitat ta’ Tmexxija rappreżentanti tal-Kummissjoni u atturi oħra. Sabiex jissaħħu r-rabtiet mal-livell nazzjonali, il-Kumitat ta’ Tmexxija jistieden b’mod regolari lill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali u korpi simili oħra jieħdu sehem fl-istadji importanti tas-Semestru Ewropew, u jorganizza wkoll avvenimenti relatati mal-Ewropa 2020 flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali. Jeħtieġ li din il-ħidma tissaħħaħ u tiġi żviluppata iżjed.

4.3

Ir-rwol li kellu l-KESE biex jgħaqqad flimkien il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, għalkemm mhuwiex iffokat biss fuq is-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020, kien utli wkoll fir-rigward tal-iżvilupp tal-analiżi tagħna u tagħhom, ta’ kif jiġu mifhuma s-sitwazzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea u tat-tisħiħ tal-proposti li jagħmlu kemm il-KESE kif ukoll huma stess.

5.   Il-valur u l-utilità tal-proċessi parteċipattivi

5.1

Huwa ċar li sabiex is-Semestru Ewropew jkollu l-aħjar impatt, it-titjib u ż-żjieda fil-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020 jkunu ta’ benefiċċju għall-Istrateġija nnifisha u fl-aħħar mill-aħħar għall-benesseri taċ-ċittadini.

5.2

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jiffurmawha spiss jirreferu għall-utilità tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċpazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata. L-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali fil-fatt għandhom għadd ta’ proċessi u sistemi differenti li qed jaħdmu; huwa utli li nkunu ċari dwar ir-raġuni li għaliha dan huwa daqstant importanti u potenzjalment x’jista’ jinkiseb minn sistema ta’ parteċipazzjoni li taħdem tajjeb u li tiggarantixxi parteċipazzjoni akbar. L-interazzjoni proattiva mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata tista’ toħloq:

impatt akbar fuq it-tixrid tal-informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea u effetti kollaterali konsiderevoli,

sens akbar ta’ responsabbiltà għall-istrateġiji jekk jinħassu li nħolqu minn dawk kollha kkonċernati,

sistema ta’ twissija bikrija – li spiss tkun aktar qrib il-livell lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jistgħu joffru sistema ta’ twissija bikrija dwar il-mikrotendenzi li qed jiżviluppaw ħafna qabel ma jkunu jidhru fil-livell nazzjonali jew Ewropew,

il-kapaċità li l-ideat jiġu pruvati u li s-soluzzjonijiet jiġu żviluppati – mhijiex sorpriża li dawk li huma l-eqreb tas-sitwazzjonijiet spiss jistgħu jippruvaw il-proposti fil-prattika qabel ma jiġu implimentati għalkollox u spiss joffru soluzzjonijiet prammatiċi u effikaċi ħafna,

implimentazzjoni aħjar – f’ħafna każijiet huma l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stess li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni fattwali tal-proposti fil-lokalità.

6.   Proposti speċifiċi għat-titjib tal-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020

6.1

Meta wieħed iħares lejn il-proċessi li ntużaw s’issa kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, il-KESE jemmen li hemm ħafna xi jsir u li dawn il-proċessi jistgħu jiġu żviluppati f’sistema li verament twassal għal sħubija soda fost l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati oħra. Ħafna minn dan jeħtieġ sforz iffukat u konġunt u mhux ser jinkiseb malajr. Madankollu, il-KESE jemmen li dawn is-sistemi għandhom jiġu żviluppati billi b’mod gradwali jibnu proċessi ta’ sħubija f’diversi livelli li jkunu strateġiċi u komprensivi, filwaqt li jimplimentaw malajr azzjonijiet sempliċi li jistgħu jwasslu għal titjib fuq perjodu qasir.

6.2

L-aktar importanti, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn politiku tagħhom li jinvolvu lill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati oħra b’mod aktar regolari u sistematiku, filwaqt li jiżguraw li dan isir bl-aktar mod komprensiv u sistematiku possibbli fi proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 li jkunu b’saħħithom, vijabbli u sostenibbli. It-Trattat ta’ Lisbona jisħaq fuq il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi konsultata fil-livell Ewropew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk l-Istati Membri ser jiksbu sens akbar ta’ responsabbiltà u ta’ impenn kemm għall-Istrateġija 2020 kif ukoll għall-proċess Ewropew, għandhom iħaddmu l-istess dixxiplina u jikkonsultaw il-KES u korpi simili kemm jista’ jkun spiss.

7.   Il-KESE

7.1

Rigward ir-rwol tiegħu, il-KESE jqis li huwa vitali li jżżomm il-punt fokali tiegħu u l-impenn strateġiku tiegħu fil-partijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex iżomm il-kapaċità li jara s-sinerġiji possibbli li jinħolqu mill-Istrateġija u l-partijiet li jiffurmawha.

7.2

Il-KESE jemmen li l-ħidma li qed iwettaq permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 għandha titkompla u tiġi żviluppata. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jżomm l-attenzjoni tiegħu fuq l-Istrateġija u l-implikazzjonijiet tagħha għall-pubbliku ġenerali, u għandu jibni fuq il-komunikazzjoni interna mal-membri li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiżgura li kulħadd jiggwadanja mill-perspettiva globali u approfondita tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

7.3

Il-KESE jqis li l-ħidma li wettaq b’mod gradwali fil-koordinazzjoni tal-kuntatti bejn il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u tal-ħidma tagħhom, fejn dawn jeżistu, kellha effett pożittiv ħafna, imma tista’ titjieb. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ukoll fil-livell nazzjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-istess bħal ħafna mill-membri tagħhom. Fir-rigward tat-titjib fil-parteċipazzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-KESE jemmen li dan huwa qasam fejn azzjoni mgħaġġla u sempliċi tista’ tagħti benefiċċji kbar. Il-KESE jemmen li l-pożizzjoni tiegħu hija ideali biex ikun punt ta’ kuntatt Ewropew għall-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, speċjalment billi jassistihom fil-ħidma tagħhom fl-Ewropa 2020. Il-KESE huwa lest li jieħu dan l-impenn u li jibda dan il-proċess biex isaħħaħ iżjed il-kuntatti u l-kooperazzjoni billi jinvolvi l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili oħra f’avveniment li jiffoka fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 mal-ewwel opportunità.

8.   Azzjoni mgħaġġla biex isir tibdil fuq perjodu qasir

8.1

Il-KESE jappoġġja b’konvinzjoni l-intenzjoni tal-Presidenza Ċiprijotta li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi fil-proċess tal-Ewropa 2020 u li tiddedika parti mill-EPSCO Informali ta’ Lulju 2012 għal din il-ħidma. Il-KESE jappoġġja dan għalkollox bħala bidu b’saħħtu għall-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex iqisu kif kull wieħed jista’ jtejjeb dak li qed jagħmel.

8.2

Il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha biex jiċċaraw fil-livell nazzjonali liema aġenziji governattivi huma responsabbli għal liema miżuri fl-Ewropa 2020, u r-rabta bejn l-aġenziji responsabbli għall-koordinazzjoni jew il-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u dawk responsabbli għall-implimentazzjoni fattwali. Anke kjarifika sempliċi dwar dan f’kull Stat Membru tippermetti li l-atturi jibnu kuntatt mal-korp it-tajjeb u l-effett ikun aħjar.

8.3

Il-KESE jemmen li trasparenza sħiħa dwar il-forom ta’ parteċipazzjoni użati f’kull Stat Membru kif ukoll deskrizzjonijiet tal-proċessi u l-istrumenti li l-gvernijiet għandhom il-ħsieb li jużaw ser joffru ċarezza għal kulħadd dwar dak li qed jiġri u dwar il-kif u l-għaliex.

8.4

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi għall-azzjonijiet differenti fis-Semestru Ewropew. L-aktar sfida persistenti indikata minn kważi l-partijiet kollha interessati fl-istrutturi attwali hija n-nuqqas ta’ żmien għal xi tip ta’ risposta meqjusa u dibattitu ġenwin. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-iskadenzi li qed jużaw bħalissa b’mod urġenti u jqisu kif jistgħu jagħmluhom aktar raġonevoli.

8.5

Il-KESE jinkuraġġixxi b’mod qawwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iżidu l-involviment tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020 fi ħdan il-qafas nazzjonali tagħhom u b’mod dirett fil-livell tal-UE. It-twaqqif, mill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ għall-Ewropa 2020 hu żvilupp eċċellenti lejn dan l-għan. Il-KESE jemmen li dan l-involviment ikbar għandu jiġi appoġġjat mill-gvernijiet nazzjonali. L-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iżvilupp lokali u l-applikazzjonijiet potenzjali hu parti ewlenija ta’ x’għandu jitwaqqaf għall-Ewropa 2020 sabiex taqdi r-rwol potenzjali sħiħ tagħha

9.   L-iżvilupp ta’ proċess parteċipattiv fit-tul għall-Ewropa 2020

9.1

Il-KESE jemmen li hemm mudelli utli ħafna li diġà qed jitwettqu għall-ħolqien ta’ strutturi b’saħħithom għal djalogu permanenti. Il-KESE jemmen li l-“Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni” mniedi mill-Kunsill tal-Ewropa (3) jipprovdi qafas eċċellenti u għadd ta’ prinċipji għal din il-ħidma li tista’ tiġi applikata għall-Istrateġija Ewropa 2020. L-użu ta’ sett ta’ prinċipji bħal dan jippermetti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri li b’mod gradwali jressqu d-diskussjonijiet skont il-livell ta’ parteċipazzjoni, minn livelli pjuttost baxxi li huma ffokati l-aktar fuq l-għoti tal-informazzzjoni, għal konsultazzjoni miftuħa, djalogu li jiżviluppa fost il-parteċipanti sakemm fl-aħħar tiżviluppa sħubija ġenwina – l-erba’ stadji ewlenin fl-iżvilupp tal-proċessi ta’ parteċipazzjoni kif deskritti fil-Kodiċi. Il-KESE jemmen li l-proċessi fl-Ewropa 2020 għandhom jibdew jimxu b’mod gradwali f’dan is-sens. Il-Kodiċi tipprovdi wkoll għadd ta’ għodod utli li jistgħu jiġu applikati għall-proċessi tal-Ewropa 2020.

9.2

Is-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri għandhom jipparteċipaw tul is-Semestru Ewropew kollu. Proċess ewlieni fil-qasam tat-tfassil huwa l-abbozzar ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-proċess ta’ abbozzar tal-Istati Membri għandu jibni fuq djalogu wiesa’ u aktar mifrux mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. Dawn l-atturi ma jipprovdux biss għarfien espert fl-iffissar tal-miri u t-tfassil tal-programmi u l-istrateġiji għal oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, huma wkoll atturi fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji.

9.3

Stadju ieħor ewlieni fis-Semestru Ewropew huwa l-pubblikazzjoni u r-reviżjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi. L-imsieħba soċjali Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu informati u kkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. F’dan il-kuntest, iż-żmien huwa kruċjali sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista’ tipparteċipa fi stadju bikri fit-tħejjija tal-prospetti tal-ġejjieni għaċ-ċikli ta’ wara.

9.4

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE ssuġġerixxa l-valutazzjoni komparattiva biex jitkejjel il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Hawnhekk, il-KES nazzjonali jew korp simili janalizza u jistabbilixxi l-kriterji ta’ prijorità tiegħu bl-użu ta’ statistika li hija liberament aċċessibbli fis-sit tal-Eurostat. Xi KES diġà qed jipprattikaw dan u KES nazzjonali oħra għandhom jitħeġġu biex jidħlu f’dan il-proċess. B’din il-valutazzjoni komparattiva, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan jifforma kontribut ta’ valur fir-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

9.5

Għandhom jittieħdu passi biex jissaħħaħ id-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fl-Istati Membri, u l-gvernijiet għandhom jiżviluppaw proċessi aktar effettivi fir-rigward tar-reazzjonijiet dwar ir-riżultati ta’ djalogu ċivili u soċjali usa’ dwar l-Istrateġija. Hawnhekk, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fis-segwitu jista’ jkollu valur speċifiku. Konferenzi regolari fl-Istati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha jkunu utli, kif ukoll seduti miftuħin fil-Parlament li jippreżentaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

9.6

Hemm kontradizzjoni bejn is-sensibilizzazzjoni li qed tiżdied fost l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-ħtieġa li jikkonsultaw is-soċjetà ċivili organizzata, u d-diffikultajiet li bħalissa għandhom quddiemhom il-maġġoranza tal-KES nazzjonali u korpi simili. Dawn l-organizzazzjonijiet huma spiss iffinanzjati mill-ispiża pubblika. F’ħafna Stati Membri, il-baġit tagħhom tnaqqas b’mod drastiku. Dan qed iwassal biex il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew korpi ekwivalenti jiffukaw biss fuq prijoritajiet nazzjonali u jnaqqsu mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kif jistgħu jappoġġjaw u jassistu lil dawn l-organizzazzjonijiet, tal-anqas fil-kontribut tagħhom għas-Semestru Ewropew.

9.7

Peress li punt ta’ kuntatt għas-segwitu mal-KES nazzjonali u korpi simili jista’ jkollu valur speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra li tagħti lill-KESE r-responsabbiltà u l-appoġġ biex jorganizza konferenza mal-KES nazzjonali kollha jew korpi u istituzzjonijiet simili tal-anqas darba fis-sena, li ssir f’mument li jorbot tajjeb mas-Semestru Ewropew, sabiex jiġu diskussi s-Semestru Ewropew, l-Istrateġija 2020 u l-kontribut u l-aħjar prattiki tagħhom f’dan il-qasam.

10.   Il-partijiet interessati

10.1

Il-KESE jemmen li l-partijiet interessati stess jistgħu jġeddu wkoll l-impenn tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020. Filwaqt li jemmen li r-responsabbiltà primarja hija tal-Istati Membri u li dawn għandhom bżonn jirrevedu l-proċessi biex jinvolvu lill-imsieħba, il-partijiet interessati stess jistgħu jitgħallmu aktar minn xulxin u jkollhom aktar fiduċja fl-interazzjoni diretta tagħhom mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-gvernijiet nazzjonali. Bl-istess mod, minkejja l-ħtieġa li l-gvernijiet jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi tal-proċessi, il-partijiet interessati għandhom itejbu l-antiċipazzjoni tal-istadji tas-Semestru Ewropew.

11.   Proposti speċifiċi relatati mal-impjieg, il-faqar u l-esklużjoni

11.1

Fit-talba ta’ konsultazzjoni li ressqet quddiem il-KESE, il-Presidenza Ċiprijotta saħqet b’mod speċifiku fuq il-bżonn ta’ kontribut min-naħa tiegħu għal parteċipazzjoni aħjar mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-oqsma ta’ politika bħalma huma l-faqar u l-esklużjoni. Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fi djalogu strutturat u regolari, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, hija determinanti biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi f’dawn l-oqsma ta’ politika.

11.2

Huwa importanti li jiġi żviluppat approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati (stakeholder approach) u d-djalogu strutturat mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-qasam tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika fil-qafas tal-ħidma li ssir mill-pjattaforma kontra l-faqar u l-esklużjoni. Fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni, ta’ spiss huma l-atturi tas-soċjetà ċivili li jiltaqgħu l-ewwel ma’ tendenzi u t-tibdil soċjali u jiġbdu l-attenzjoni għalihom. Il-ħidma ffukata tagħhom fid-dawl tal-perspettiva tal-konsumatur u tal-ħidma preventiva tagħhom, kif ukoll tal-iżvilupp u l-prestazzjoni ta’ servizzi innovattivi lil dawn il-gruppi mmirati, twassal għal għarfien u esperjenza fil-ħidma tal-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni. Il-KESE hawnhekk jenfasizza l-importanza tal-ekonomija soċjali u tar-rwol strateġiku li jaqdu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar, iħeġġu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u jiżviluppaw servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod kreattiv.

11.3

Huwa importanti li, b’rabta ma’ dawn l-oqsma ta’ politika, insemmu l-hekk imsejħa rapporti soċjali tal-Istati Membri (National Social Reports – NSR) li jikkomplementaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u jitfasslu mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Dawn ir-rapporti, li jitfasslu abbażi tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, jivvalutaw id-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, jidentifikaw l-iżjed riformi immedjati fuq il-bażi tal-istrateġija annwali ta’ tkabbir u jressqu proposti għat-teħid ta’ miżuri konkreti. Huwa kruċjali li jitnieda proċess li jagħmilha possibbli li jiġu involuti b’mod iżjed effettiv il-partijiet interessati fit-tfassil tal-NSR, li s’issa għadu mhuwiex biżżejjed, u li jiġu integrati iżjed fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Huwa ta’ importanza kbira ħafna li jissaħħaħ il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għas-sigurtà soċjali, billi nibdew minn strateġiji nazzjonali integrati bil-għan li jkun hemm rabta iżjed mill-qrib mal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

11.4

L-avveniment annwali fil-livell tal-UE kontra l-faqar u l-esklużjoni għandu jiġi segwit minn seduta assoċjata fil-livell nazzjonali bil-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, mal-persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-imsieħba soċjali u atturi oħra fi ħdan is-soċjetà ċivili. L-għan huwa li flimkien neżaminaw il-progress miksub u n-nuqqasijiet f’dawn l-oqsma ta’ politika u nirrakomandaw riformi. Dan għandu jsir fl-istess ħin li jitfasslu l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

11.5

Anke l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ djalogar u konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi għandha tiġi ppjanata bil-quddiem b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom. L-approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati għandu jinvolvi wkoll valutazzjoni tal-effetti soċjali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tal-progress miksub.

11.6

Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u d-definizzjoni tal-għanijiet nazzjonali huma fattur ewlieni fl-isforz biex jiġu implimentati l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġiji politiċi għall-ġlieda kontra l-faqar. Huwa importanti li niżguraw li l-għanijiet relatati mal-faqar ikunu definiti b’mod adatt b’mod li jkunu inklużi l-gruppi fil-periklu tal-faqar u ta’ diversi tipi ta’ esklużjoni bil-għan li l-istrateġiji u r-riformi jkunu orjentati b’mod effettiv lejn dawn il-gruppi. F’dan il-kuntest, is-sehem tal-atturi tas-soċjetà ċivili u s-sħubija magħhom huma essenzjali peress li dawn sikwit jiskopru minn kmieni gruppi ġodda fil-periklu jew jidentifikaw żieda fir-riskji għall-gruppi esklużi.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Kif appoġġjat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa kemm fl-2011 u l-2012.

(2)  “How effective and legitimate is the European Semester? Increasing the role of the European Parliament” 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  http://www.coe.int/t/ngo/code_good_prac_en.asp.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/02

Relatur: is-Sinjura NIETYKSZA

Korelatur: is-Sur GENDRE

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett

X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew bir-regoli finanzjarji l-ġodda?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għan prinċipali tas-settur bankarju, li jirrappreżenta medja ta’ 5 % tal-PDG tal-UE, għandu jkun il-finanzjament tal-ekonomija reali – b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi Ewropej innovattivi u t-tkabbir tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li jixprunaw l-ekonomija Ewropea – u l-protezzjoni tat-tfaddil tad-depożituri.

1.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri biex isaħħu s-settur bankarju u jevitaw kriżijiet finanzjarji ġodda permezz tat-tnaqqis tar-riskji u l-mitigazzjoni tal-effetti tagħhom.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li nitgħallmu mill-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji reċenti u nadottaw approċċ ġdid għal superviżjoni iżjed effettiva min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, u responsabbiltà msaħħa min-naħa tal-istabbilimenti finanzjarji.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-istruttura tal-kapital tal-banek u l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija u jwiddeb id-diriġenti tal-banek kontra t-tentazzjoni li jfittxu li jagħmlu qligħ fuq perjodu qasir ħafna ta’ żmien u l-attivitajiet spekulattivi li jiddestabilizzaw is-swieq.

Ir-responsabbiltà tad-diriġenti tal-banek, tas-superviżuri fil-livell nazzjonali u Ewropew u fi ħdan il-banek għandha tkun definita b’mod ċar u aħjar, bil-għan li tiġi promossa mġiba etika abbażi ta’ regoli trasparenti.

1.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni fuq id-diffikultajiet ikkawżati mill-akkumulazzjoni ta’ miżuri regolatorji u fuq l-isfidi li jiffaċċjaw it-8 000 bank Ewropew biex jiffinanzjaw l-ekonomija f’kuntest ekonomiku diffiċli fl-Ewropa fil-konfront tal-kriżi tad-dejn, li l-iskala u l-konsegwenzi tagħha għadhom mhumiex ikkontrollati.

1.6

Il-banek Ewropej qed jiffaċċjaw il-kompetizzjoni iżjed ħarxa tal-banek tal-pajjiżi terzi, li mhumiex soġġetti fil-pajjiż tagħhom għall-istess restrizzjonijiet leġislattivi u regolatorji li hemm fl-Ewropa.

1.7

Il-miżuri maħsuba biex isaħħu l-istruttura tal-kapital jipprevedu aktar kapital u ta’ kwalità aħjar, kopertura aħjar tar-riskji, l-introduzzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ (leverage ratio) u approċċ ġdid fil-konfront tal-likwidità. Huwa possibbli li dawn il-miżuri jkollhom impatt fuq il-karta tal-bilanċ tal-banek, u jistgħu jwasslu biex il-qligħ tagħhom jitnaqqas b’mod sostanzjali.

1.8

Għalhekk, il-banek għandhom it-tendenza jnaqqsu d-daqs tagħhom biex isiru iżjed sodi, jorjentaw ruħhom lejn l-attivitajiet li jrendu l-iżjed, kif ukoll jillimitaw l-offerta ta’ servizzi finanzjarji sabiex ikollhom aktar kontroll fuq l-espożizzjoni tagħhom għar-riskji.

Xi wħud qed jitkellmu favur il-bżonn li l-banek jerġgħu lura għall-kompiti oriġinali: jilqgħu d-depożiti tal-klijenti tagħhom, jipproteġu lil dawk li jfaddlu u jiffinanzjaw l-ekonomija reali.

1.9

Il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li jkun hemm ritorn gradwali għas-separazzjoni tal-attivitajiet tal-banek kummerċjali u dawk tal-banek ta’ finanzjament u investiment. Il-kriżi dinjija attwali turi li sistema finanzjarja globalizzata msejsa fuq liberalizzazzjoni illimitata ġġib magħha l-periklu li jintilef il-kontroll minħabba l-użu ħażin li jagħmlu s-swieq minn din il-libertà:

id-daqs kbir iżżejjed tal-gruppi finanzjarji multinazzjonali jagħmel il-governanza tagħhom, is-sorveljanza mill-awtoritajiet superviżorji u l-valutazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni diffiċli ħafna, tant li ftit li xejn għadhom affidabbli;

l-istrumenti finanzjarji saru inkontrollabbli. Filwaqt li, fil-prinċipju, m’aħniex kontra l-innovazzjoni finanzjarja, mhuwiex aċċettabbli li prodott finanzjarju jkun jista’ jiċċirkula b’mod liberu fis-suq internazzjonali mingħajr l-ebda trasparenza, b’mod li ħadd ma jkun jaf la n-natura tar-riskju u lanqas ta’ min hi r-responsabbiltà finali.

1.10

L-obbligi ġodda fil-qasam tal-kapital, b’mod partikolari l-fatt li r-rata tal-kapital ta’ kwalità tajba ħafna ser tiżdied għal 9 % fit-30 ta’ Ġunju 2012 għal 60 bank ta’ natura sistemika, u bejn l-2015 u l-aħħar tal-2018 għall-banek l-oħrajn, jista’ jkollhom konsegwenzi disastrużi għall-banek lokali u l-banek kooperattivi, li ġeneralment jakkomodaw iżjed il-ħtiġijiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi. Ir-rekwiżiti kapitali m’għandhomx jiddiskriminaw kontra kwalunkwe grupp partikolari ta’ banek.

1.11

Jekk il-banek jiffaċċjaw diffikultajiet biex jimmobilizzaw dan il-kapital, ikun iżjed diffiċli għall-SMEs li jaċċessaw il-finanzjament meħtieġ. Għandhom jiġi evitati t-trażżin tal-kreditu u żieda fl-ispejjeż bankarji. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex jiggarantixxu li r-riżervi ta’ kapital (capital buffers) tal-banek iż-żgħar ikunu adattati għall-mudell ekonomiku tagħhom.

1.12

Ir-rekwiżiti prudenzjali diġà qed iwasslu għal kreditu iżjed ristrett u ogħla għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom l-istart-ups, l-intrapriżi innovattivi u dawk li huma iżjed riskjużi. L-Ewropa ma tistax tilħaq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, tal-Aġenda Diġitali, il-Cloud Active Europe, il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u s-Small Business Act jekk, wara l-applikazzjoni tal-miżuri prudenzjali l-ġodda, titnaqqas il-parti tal-fondi maħsuba għall-intrapriżi ta’daqs medju.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ħafna l-evoluzzjoni tal-kreditu u tal-ispejjeż bankarji għall-intrapriżi u l-individwi.

1.13

Il-miżuri li għandhom l-għan li s-superviżjoni tas-swieq mill-awtoritajiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tkun iżjed effettiva ser ikollhom konsegwenzi profondi fuq l-organizzazzjoni tal-banek u s-superviżjoni interna. Dan ser iwassal għal żieda fir-responsabbiltà għall-maniġment, l-obbligu li jiġi vvalutat b’iżjed reqqa r-redditu tal-kapital u li jiġu ġestiti aħjar ir-riskji. Il-banek ikollhom iħejju l-previżjonijiet ta’ bejgħ u l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom tal-prodotti u l-portafolli bankarji, mhux biss mill-perspettiva tar-redditu, iżda wkoll billi jivvalutaw il-kapaċità li jiġi assorbit il-kapital. Dan ifisser ristrutturar orjentat lejn iż-żieda fl-importanza u fin-numru ta’ impjegati tad-dipartimenti tal-IT, l-awditjar u l-ġestjoni tar-riskji, għad-detriment ta’ setturi oħra iżjed tradizzjonali.

1.14

Il-banek fl-UE jimpjegaw ’il fuq minn 3 miljun impjegat, li l-biċċa l-kbira tagħhom jaħdmu fl-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur (retail banking). Sa mill-bidu tal-2011, kien hemm tnaqqis ta’ ’l fuq minn 150 000 impjieg u għalqu bosta fergħat. Diversi previżjonijiet qed iħabbru li fl-2012 ser jintilfu 100 000 impjieg ieħor. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippromovi t-titjib tad-djalogu soċjali settorjali u tiżviluppa l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali dwar l-inizjattivi li għandhom impatt fuq l-iżvilupp tal-professjoni.

1.15

Meta jiġu implimentati r-regoli l-ġodda, il-KESE jixtieq li jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Istati Membri l-ġodda li s-swieq tal-kreditu tagħhom għadhom lura milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u li l-biċċa l-kbira tal-banek tagħhom huma l-proprjetà ta’ gruppi bankarji ewlenin Ewropej u dinjin. Biex itejbu l-karti tal-bilanċ tagħhom u jissodisfaw l-obbligi l-ġodda, dawn il-gruppi jistgħu jitħajru jittrasferixxu fondi mis-sussidjarji tagħhom u jillimitaw l-investiment tagħhom, u b’hekk jitnaqqas konsiderevolment il-finanzjament tal-ekonomija ta’ dawn il-pajjiżi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fl-impenn li ttieħed abbażi tal-inizjattiva ta’ Vjenna biex ma jkunx hemm assorbiment ta’ likwidità. Huwa neċessarju li jiġu protetti ċerti mudelli oriġinali bħall-banek kooperattivi fil-Ġermanja u l-Polonja. Dan is-settur jgħodd ’il fuq minn 300 bank fil-Polonja waħidha u r-riforma radikali tiegħu li jimplikaw ir-regoli l-ġodda ma tistax isseħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni.

1.16

Biex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ armonizzazzjoni, iridu jissaħħu l-kompetenzi tal-Aworità Bankarja Ewropea. Is-suq tal-kreditu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jfakkar li l-libertà tal-moviment tal-kapital hija żgurata fil-livell Ewropew filwaqt li s-sigurtà tad-depożiti u s-solvenza tal-banek huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-pajjizi fejn il-kreditu mhuwiex żviluppat biżżejjed, jekk jgħaġġlu wisq biex ilaħħqu mal-livelli tad-dejn tista’ tinħoloq bużżieqa spekulattiva. Jekk ir-regoli prudenzjali jiġu implimentati b’mod uniformi fil-livell Ewropew, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jintervjenu fil-ħin. Madankollu, ta’ min tiġi kkunsidrata l-proposta li tressqet minn diversi persuni responsabbli Ewropej li tinħoloq unjoni bankarja bil-għan li f’dan il-livell tiġi stabbilita superviżjoni tal-banek sistemiċi u garanzija tad-depożiti f’każ ta’ falliment.

1.17

Fil-livell dinji, il-banek Ewropej jinsabu fil-periklu li jsiru anqas kompetittivi meta mqabblin mal-kompetitturi tagħhom. Għall-banek li joħolqu kapital addizzjonali, il-biċċa l-kbira tal-kapital hija f’fondi sovrani u f’banek Asjatiċi u tal-Lvant Nofsani. Hemm il-periklu reali li s-sjieda tas-sistema bankarja Ewropea ma tibqax taħt il-kontroll tal-Istati Membri tal-UE. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob lill-awtoritajiet Ewropej isaħħu l-isforzi tagħhom biex l-istess regoli prudenzjali jiġu applikati fil-livell internazzjonali, bil-għan li naslu għal regolamentazzjoni tassew dinjija.

1.18

It-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni – il-banek onlajn, il-home banking, it-tranżazzjonijiet virtwali siguri (firem elettroniċi) u l-cloud computing attwalment qed jirrivoluzzjonaw is-servizzi bankarji tradizzjonali. Il-banek ser ikollhom il-kompitu diffiċli li jiffinanzjaw l-ekonomija reali filwaqt li ser ikollhom jiffaċċjaw mhux biżż spejjeż ogħla ta’ finanzjament wara li jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, iżda wkoll tnaqqis fil-qligħ. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-atturi kollha tas-settur bankarju jiġu akkumpanjati u appoġġjati matul dan it-tibdil profond.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi tagħha fuq l-ekonomija wasslu lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet finanzjarji biex jirriflettu dwar l-għeruq profondi tal-kollass ta’ sistema li kienet tidher soda, regolamentata tajjeb u kkontrollata b’mod effikaċi.

2.2

L-ewwel miżuri ta’ natura finanzjarja u monetarja (tnaqqis sostanzjali fir-rati ta’ bażi, likwidità, għajnuna mill-Istat) ittieħdu b’mod urġenti. Dawk fuq perjodu itwal ta’ żmien kellhom l-għan li jsaħħu l-istruttura tas-swieq u li jevitaw kriżijiet futuri sistemiċi, u għalhekk huma ta’ natura regolamentari, prudenzjali jew fiskali. L-organizzazzjonijiet ta’ natura sopranazzjonali – FMI, G20, BĦI (Bank għall-Ħlasijiet Nazzjonali), il-Kummissjoni – adottaw attitudni miftuħa għall-kooperazzjoni reċiproka, iżda b’diverġenzi ta’ fehmiet.

2.3

Mill-kriżi tal-2008 ’l hawn, ’il fuq minn 50 miżura leġislattiva ġew adottati mill-UE. 99 % tar-riformi kellhom jiġu adottati sal-aħħar tal-2001, biex jidħlu fis-seħħ fl-2013, bl-eċċezzjoni tal-kwota tal-kapital tal-Grad 1, li għandha tiġi rispettata mit-30 ta’ Ġunju 2012 ’l quddiem mill-banek ikkunsidrati bħala sistemiċi. Għall-oħrajn, id-dħul fis-seħħ huwa previst bejn l-2015 u l-2018.

2.4

It-tielet Ftehim ta’ Basel, ippubblikat f’Novembru 2010, jesiġi li l-banek ikollhom livell ogħla ta’ kapital u ta’ kwalità aħjar sabiex jirreżistu għal kriżijiet futuri, u b’mod partikolari:

li jkollhom 4,5 % ta’ ekwità komuni u 6 % ta’ kapital ta’ Grad I ta’ assi ppeżati skont ir-riskji;

riżerva obbligatorja ta’ konservazzjoni tal-kapital ta’ 2,5 %;

riżerva fakultattiva għall-kontroċikliku li tippermetti li r-regolaturi nazzjonali jitolbu sa mhux inqas minn 2,5 % ta’ kapital addizzjonali matul perjodi ta’ tkabbir tal-kreditu.

Basel III jintroduċi proporzjon minimu ta’ ingranaġġ ta’ 3 % u żewġ proporzjonijiet obbligatorji ta’ likwidità: il-proporzjon ta’ likwidità fuq perjodu qasir, li jesiġi li l-banek ikollhom biżżejjed assi likwidi ta’ kwalità għolja biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom fil-qasam tal-likwidità matul perjodu ta’ 30 jum; u l-proporzjon ta’ likwidità fuq perjodu twil li jammonta għal somma minima ta’ fondi stabbli li jeċċedu l-bżonnijiet ta’ likwidità għal perjodu ta’ sena.

2.4.1

Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposti tagħha għat-traspożizzjoni ta’ Basel III f’DRK IV (Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) f’Lulju 2011, bil-għan li ssaħħaħ is-settur bankarju Ewropew filwaqt li tkompli tiffinanzja t-tkabbir tal-ekonomija. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda miżura konkreta biex tħeġġeġ il-kreditu.

2.5

L-għan huwa li l-banek jitħeġġu jkollhom iżjed kapital sabiex jirreżistu għall-kriżijiet u li jiġi propost qafas ġdid li jagħmilha possibbli li l-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw lill-banek u jintervjenu meta jindunaw bir-riskji.

2.6

DRK IV tkopri l-oqsma rregolati mid-Direttiva fis-seħħ dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital iżda għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri b’mod li jkun adattat għal kull Stat Membru.

2.7

Minkejja d-dewmien u n-nuqqasijiet tar-regoli adottati, il-progress lejn regolamentazzjoni ġdida huwa reali, iżda għad fadal xi mistoqsijiet:

ir-regoli l-ġodda jkopru l-prattiki finanzjarji kollha fil-livell dinji?

ġaladarba tiġi definita r-regolamentazzjoni tas-swieq, huwa possibbli li jkollna l-fiduċja f’kontrolli effikaċi?

ir-regoli l-ġodda ser jinfluwenzaw u jibdlu s-sitwazzjoni (strutturi, konsolidazzjoni, modi ta’ distribuzzjoni, persunal) tas-settur bankarju Ewropew, li huwa magħmul minn ’il fuq minn 800 bank, u l-imġiba tas-settur fil-konfront tal-finanzjament tal-ekonomija: kreditu lill-intrapriżi, lill-awtoritajiet u lill-individwi?

3.   Sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ħażina

3.1

Bħalissa, il-banek fl-Ewropa qed ikollhom jiffaċċjaw tibdil regolatorju u ekonomiku għal għarrieda ħafna, li qed iqajjem tħassib dwar kemm jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija f’sitwazzjoni ekonomika ħażina minħabba l-kriżi tad-dejn, u li qed tolqot iż-żona tal-euro b’mod partikolari.

3.2

Permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kumitat ta’ Basel (Basel III), il-banek huma obbligati jsaħħu l-kapital tagħhom, jirrispettaw il-kwoti – għoljin ħafna u fit-tul – ta’ likwidità ta’ finanzjament nett stabbli, u joħolqu l-fondi prudenzjali.

3.3

It-testijiet ta’ reżistenza li kellhom jagħmlu, f’żewġ fażijiet, ma neħħewx id-dubji dwar l-impatt li jkollha l-inadempjenza ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed miż-żona tal-euro.

3.4

Fil-komunità finanzjarja internazzjonali nħolqot atmosfera ta’ sfiduċja, li ġġenerat problemi ta’ likwidità fis-suq interbankarju u wasslet lill-banek biex jorjentaw ruħhom lejn l-iżjed investiment sigur.

3.5

F’dan il-kuntest, il-BĊE intervjena darbtejn u offra total ta’ EUR 1 000 biljun f’self mifrux fuq tliet snin lis-settur bankarju b’rata ta’ 1 %. Din il-faċilità kienet kruċjali biex trodd lura l-fiduċja fis-suq interbankarju u żżomm il-volum tal-kreditu fl-ekonomija. Madankollu, parti sostanzjali ħafna ta’dawn il-fondi ġiet iddepożitata mill-ġdid fil-BĊE, u parti oħra ntużat biex jinxtara dejn pubbliku. Il-KESE huwa tal-fehma li l-BĊE għandu joħloq mekkaniżmu li jkejjel l-użu ta’dawn il-fondi.

3.6

Hija iżjed u iżjed urġenti l-ħtieġa li jiġu rikapitalizzati l-banek, li l-Awtorità Bankarja Ewropea tistma ’l fuq minn EUR 100 biljun.

3.7

L-għoti ta’ kreditu lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, lilll-awtoritajiet, u lill-individwi, qed isir dejjem iżjed rigoruż. Barra minn hekk, ir-riskji assoċjati qed jiġu eżaminati bir-reqqa mill-banek, u dan qed iżid l-ispejjeż ta’ dan il-finanzjament. Fl-istess ħin, qed tkun iżjed diffiċli s-soluzzjoni alternattiva li l-finanzjament tal-intrapriżi jsir mis-swieq finanzjarji. Din is-sitwazzjoni, flimkien mal-politiki ta’ awsterità, wasslet għal previżjonijiet ta’ tkabbir dgħajjef jew saħansitra “tkabbir żero”, ħlief għal għadd żgħir ħafna ta’ eċċezzjonijiet fis-sena 2012 fl-Unjoni Ewropea kollha.

4.   Superviżjoni u regolamentazzjoni tas-settur bankarju

4.1

F’dan il-kuntest, jeħtieġ li nfakkru l-kriżi tas-subprimes. L-awtoritajiet superviżorji messhom taw kas is-sinjali ta’ twissija li kienet se tfaqqa’ krizi tas-subprimes. Ħadd ma xeħet dubju fuq is-solidità ta’ investiment li kien irendi qligħ tajjeb lill-banek u l-klijenti tagħhom. Safrattant, il-Federal Deposit Insurance Corporation (FDIC – korp federali Amerikan li jiggarantixxi d-depożiti bankarji) kien wissa kontra dawn il-prodotti. Iżda r-Riżerva Federali ma ħadet l-ebda azzjoni bejn l-2002 u 2006.Il-falliment tal-Lehman Brothers seta’ ġie evitat li kieku l-awtoritajiet superviżorji ndunaw fil-ħin bil-problemi serji ta’ likwidità li kellha din l-istituzzjoni.Il-periklu assoċjat ma’ kreditu ipotekarju pprovdut b’rata ta’ 100 % tal-valur tal-proprjetà u mibjugħ f’“pakketti” minn intermedjarji finanzjarji ma kien taħt l-ebda kontroll.

4.2

Biex jiġu evitati kriżijiet ġodda, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri li jagħtu responsabbiltà personali lid-diriġenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji għan-nuqqas ta’ superviżjoni adatta.

4.3

Filwaqt li huwa minnu li l-kriżi bdiet minħabba prodotti kumplessi żżejjed, imsejħa tossiċi, huwa minnu wkoll li l-awtoritajiet superviżorji setgħu ipprojbixxew il-ħolqien, jew iċ-ċirkulazzjoni, tagħhom fuq il-bażi tar-regoli eżistenti.

Ir-regoli l-ġodda fis-seħħ bħalissa ma jistgħux jiggarantixxu ċertezza assoluta li tiġi evitata kriżi ġdida fil-futur jekk l-awtoritajiet superviżorji ma jkollhomx il-mezzi adegwati biex jaqdu l-missjoni tagħhom u jekk il-kontrolli interni jibqgħu ineffikaċi. Jeħtieġ li titwaqqaf sistema għall-ġestjoni tar-riskji u għall-valutazzjoni tal-fallimenti, bħal fil-każ tal-Islanda.

4.4

Fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, il-gvernijiet għandhom jirrispettaw l-impenji tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni fil-livell dinji biex jevitaw li jkun hemm żoni b’regolamentazzjoni differenti.

4.5

Regolamentazzjoni ġdida għandha tissejjes fuq dawn il-prinċipji:

a)

jista’jkun hemm aċċess għall-professjoni bankarja, iżda l-kontrolli fuq il-persuni u fuq is-sors tal-kapital għandhom ikunu ferm iżjed stretti u effettivi;

b)

il-professjonisti responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu awtorizzati, regolamentati u ssorveljati; l-istituzzjonijiet mhux bankarji u x-“shadow banking” (attivitajiet bankarji paralleli) għandhom jitneħħew;

c)

il-prodotti finanzjarji l-ġodda għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-awtoritajiet bankarji nazzjonali u Ewropej.

4.6

L-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu vvalutati b’mod regolari minn korp indipendenti magħmul minn esperti li ma jkunx baqagħlhom aktar responsabbiltajiet professjonali fis-settur finanzjarju. Din il-valutazzjoni għandha tisħaq l-iżjed fuq l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-ġestjoni tal-banek.

5.   X’ser jinbidel għas-settur bankarju Ewropew?

5.1

Attwalment, il-banek jinsabu taħt pressjoni kbira għax iridu jiddefinixxu mill-ġdid il-mudell ta’ negozju tagħhom wara r-regoli l-ġodda. It-taħlita tar-regoli u ta’ sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja diffiċli kellha dawn il-konsegwenzi:

tisħiħ fl-istruttura tal-kapital tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha, li l-biċċa l-kbira tagħhom diġà jirrispettaw il-proporzjon tal-Grad 1; ser ikollhom it-tendenza jnaqqsu d-daqs tal-karta tal-bilanċ tagħhom biex isiru iżjed sodi (nota f’qiegħ il-paġna: studju tal-KPMG, Diċembru 2011, “Evolving Banking Regulations: “A long journey ahead – the outlook for 2012”);

ir-regoli ta’ Basel III u l-obbligu li jiġu rispettati l-proporzjonijiet ta’ likwidità ta’ iżjed minn xahar (NSFR) u l-proporzjon ta’ likwidità ta’ inqas minn xahar (LCR) iwasslu għal żieda fir-rekwiżiti kapitali, u l-bżonn li jinżamm eċċess ta’ likwidità, f’ċerti każi erba’ darbiet ogħla mill-bżonn minimu ta’ likwidità għall-banek. Dawn il-miżuri ser ikollhom impatt negattiv fuq ir-riżultati finanzjarji u jwasslu l-banek biex inaqqsu l-karti tal-bilanċ tagħhom;

id-diffikultà li jiġu żviluppati l-portafolli ta’ self fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku, minħabba l-hekk imsejħa “riżerva għall-kontroċikliku” (countercyclical capital buffer). Minkejja żieda fid-domanda għall-kreditu, il-banek ikollhom jindirizzaw l-isfidi marbuta ma’ żieda fir-rati tal-adegwatezza kapitali. Il-portafolli ta’ kreditu għandhom iżommu din ir-riżerva fuq it-talba tal-awtoritajiet superviżorji; ir-riżerva ta’ likwidità stabbilita mill-korpi superviżorji nazzjonali tista’ tlaħħaq sa 2,5 % tar-rekwiżiti kapitali;

5.2

Dan kollu jfisser:

5.2.1

tnaqqis sostanzjali fir-redditu medju (ROE) tas-settur bankarju ta’ bejn l-10 % u t-30 % f’każijiet estremi; dan jillimita l-interess tal-investituri fis-settur bankarju u jwassal għal tnaqqis fil-kapitalizzazzjoni tal-banek Ewropej;

5.2.2

tnaqqis fil-finanzjament tal-intrapriżi u tal-awtoritajiet u kreditu li jiswa iżjed, b’mod partikolari għall-SMEs, li ta’ spiss huma kkunsidrati bħala intrapriżi b’riskju għoli, peress li ma għandhomx garanziji jew kofinanzjament biżżejjed;

5.2.3

tnaqqis potenzjali fil-kreditu fit-tul, minħabba l-introduzzjoni fl-2018 tal-proporzjon ta’ likwidità fit-tul NSFR u l-proporzjon ta’ ingranaġġ. Hemm il-periklu li din is-sitwazzjoni tinfluwenza b’mod negattiv il-finanzjament tal-investiment tal-infrastruttura;

5.2.4

l-obbligu li jiġi vvalutat aħjar il-qligħ fuq l-ekwità u li tittejjeb il-ġestjoni tar-riskji. Il-banek għandhom ifasslu l-previżjonijiet ta’ bejgħ tagħhom u l-istrateġiji tagħhom għall-iżvilupp tal-prodotti u l-portafolli bankarji, mill-perspettiva tar-redditu, u mil-lat tal-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ assorbiment tal-ekwità;

5.2.5

il-banek jistgħu jġarrbu spejjeż kbar ħafna mil-lat tal-awditjar u r-rappurtar sabiex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda u jissodisfaw l-esiġenzi tal-korpi superviżorji nazzjonali u internazzjonali. Dan ser ikollu impatt fuq l-organizzazzjoni tal-banek u jitlob tibdil strutturali;

5.2.6

l-għoti tal-kreditu ser ikun ristrett fis-setturi privileġġjati msejsa fuq l-ippeżar tar-riskji. Barra minn hekk, fuq perjodu twil il-ħolqien ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ jista’ jirrestrinġi l-finanzjament tal-Istati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u setturi oħra li kienu jgawdu minn ippeżar privileġġjat tar-riskji;

5.2.7

kreditu li jiswa iżjed jista’ jwassal għat-trasferiment ta’ parti mill-attivitajiet lejn istituzzjonijiet li mhumiex soġġetti għal superviżjoni finanzjarja. Dan jaħdem favur l-istituzzjonijiet mhux bankarji – li jsellfu b’rati għoljin ħafna lill-individwi, ta’spiss fi flus kontanti – li l-attivitajiet tagħhom huma soġġetti għal superviżjoni inqas riġida minn dik li tapplika għall-banek.

5.3

Ir-regoli l-ġodda ma jiddistingwux bejn il-banek il-kbar u l-banek iż-żgħar, u jistgħu ma jkunux adatti f’ċerti pajjiżi, pereżempju fl-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li għandhom rata għolja ta’ tkabbir.

F’dawn il-pajjiżi, ir-regoli l-ġodda għandhom it-tendenza jillimitaw l-investiment. Il-banek ta’ dawn il-pajjiżi huma ta’ spiss il-proprjetà ta’ gruppi barranin u l-azzjonisti (IATE) fil-livell nazzjonali huma f’minoranza. Il-kumpaniji possedenti jistgħu jirripatrijaw parti sostanzjali mill-kapital tas-sussidjarji tagħhom biex jissodisfaw ir-regoli l-ġodda fil-livell dinji. Peress li dan inaqqas is-saħħa tagħhom b’mod sostanzjali, dawn is-sussidjarji jillimitaw il-kontribut tagħhom għall-finanzjament tal-ekonomija lokali. Il-KESE jfakkar li l-moviment ħieles tal-kapital huwa żgurat fil-livell Ewropew, filwaqt li s-sigurtà tad-depożiti u s-solvenza tal-banek huma fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali.

5.4

Is-suq tal-kreditu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Fil-pajjizi fejn il-kreditu mhuwiex żviluppat biżżejjed, jekk jgħaġġlu wisq biex ilaħħqu mal-livelli tad-dejn tista’ tinħoloq bużżieqa spekulattiva. Jekk ir-regoli prudenzjali jiġu applikati fil-livell Ewropew, l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jintervjenu malajr biżżejjed. Jeħtieġ li jissaħħu l-kompetenzi tal-Awtorità Bankarja Ewropea biex jiġi appoġġjat il-proċess tal-armonizzazzjoni.

5.5

Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati ċerti mudelli oriġinali, bħall-banek kooperattivi li jiffunzjonaw b’mod sod u awtonomu. Ir-riforma li jimplikaw ir-regoli l-ġodda ma tistax isseħħ mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-banek kooperattivi huma komponent essenzjali tal-iżvilupp lokali u jaġixxu fl-interess tal-membri tagħhom, li huma fl-istess ħin id-depożitaturi u dawk li jissellfu: l-SMEs, il-bdiewa, il-muniċipalitajiet u bosta atturi lokali oħra.

5.6

Il-banek ewlenin ifittxu investiment b’riskju baxx u li jrendi iżjed qligħ; hemm ukoll il-biża’ ta’ fiskalità iżjed iebsa u telf fuq id-dejn sovran ta’ ċerti obbligazzjonijiet.

5.7

Probabbilment, il-proċess ta’ konsolidazzjoni ser jiżdied: il-banek tat-tfaddil u l-banek kooperattivi jistgħu jiddependu minn sorsi ta’ finanzjament “awtonomi”, iżda l-banek li jistgħu jirrikorru għas-suq biex jerġgħu jiffinanzjaw ruħhom ser jiġu mġiegħla jagħmlu fużjoni bejniethom b’konsegwenzi ħżiena għall-SMEs u l-konsumaturi. Uħud mill-banek inxtraw u nbiegħu mill-ġdid wara li żżarma n-netwerk lokali jew reġjonali tagħhom. Il-konċentrazzjoni bankarja fil-livell nazzjonali kienet b’saħħitha fis-setturi tal-kooperattivi u s-setturi tal-mutwi, u fil-banek tat-tfaddil.

5.8

Qligħ iżjed baxx għall-banek, fost raġunijiet oħra minħabba spejjeż ogħla ta’ finanzjament, u l-prinċipji iżjed ristrettivi li jirregolaw il-ġestjoni tal-likwidità jistgħu jwasslu għal żieda fl-ispejjeż bankarji u fir-rati tal-imgħax fuq id-depożiti ta’ żmien fiss u fuq il-kontijiet individwali tal-klijenti.

5.9

Fil-kuntest tar-regoli l-ġodda, il-banek qed iħaffu r-ristrutturazzjoni tagħhom u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda (banek onlajn, counters virtwali, smartphones).

It-taħlita tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tad-diversifikazzjoni tal-prodotti kummerċjalizzati qed tħaffef il-pass tar-rikonfigurazzjoni tan-netwerks tal-fergħat bl-użu iżjed mifrux tal-counters virtwali mingħajr l-użu ta’ flus kontanti. Il-fergħat għandhom it-tendenza li jsiru biss postijiet ta’ konsulenza u ta’ bejgħ ta’ prodotti finanzjarji. Fl-istess ħin, dawn il-mezzi ġodda ta’ trasferiment u ta’ ħlas jitolbu sistemi iżjed siguri minħabba l-attakki informatiċi li jheddu l-operazzjonijiet fuq l-internet u dawk li jsiru permezz tal-mowbajls.

5.10

L-iżvilupp tal-mezzi ta’ distribuzzjoni fl-aħħar nett iwassal għal tnaqqis fin-netwerks tal-fergħat u fl-impjieg. L-applikazzjoni tad-Direttiva DRK IV ser twassal għal żieda fl-impjiegi fid-dipartimenti tal-IT u l-ġestjoni tar-riskju fi ħdan il-banek, għad-detriment ta’ attivitajiet bankarji oħra. Jeħtieġ jiġi żviluppat djalogu soċjali ta’ kwalità tajba fil-livelli kollha dwar il-kwistjonijiet tal-impjieg u t-taħriġ sabiex jiġi ġestit tajjeb it-tibdil li għaddej bħalissa.

6.   L-iżviluppi futuri

6.1

Il-Parlament Ewropew adotta l-prinċipju ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-Kummissjoni qed tanalizza l-implimentazzjoni ta’ din it-taxxa; na ntlaħaqx kunsens fost l-Istati Membri, u l-attitudni tal-awtoritajiet Amerikani hija negattiva. Ir-rata baxxa rakkomandata m’għandhiex tikkostitwixxi piż sproporzjonat għall-banek jew xi forma ta’ kompetittività difettuża fil-livell dinji. Kif jenfasizzaw żewġ opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1), l-għan ta’ din it-taxxa huwa kemm li tipprovdi dħul ġdid mit-taxxi, l-aktar biex tiġi ffinanzjata l-għajnuna għall-iżvilupp, kif ukoll li tibdel l-imġiba tal-banek biex jagħtu prijorità lill-finanzjament tal-ekonomija fuq perjodu medju u twil pjuttost milli l-operazzjonijiet spekulattivi fuq perjodu qasir ħafna.

6.2

Bħalissa qed tiġi analizzata – permezz ta’ studju mitlub mill-Kummissarju Barnier – is-separazzjoni bejn l-attivitajiet bankarji tradizzjonali u dawk tal-banek ta’ finanzjament u investiment, u b’hekk qed jinxteħet dubju fuq il-mudell bankarju universali. Id-dibattitu jiffoka fuq separazzjoni totali, delimitazzjoni tal-attivitajiet bankarji tal-investiment jew il-projbizzjoni li l-banek jidħlu f’investiment f’isimhom stess. Ċerti esperti jikkontestaw din l-idea, u jisħqu li l-banek universali jiżguraw il-profondità u l-likwidità tas-swieq u jipprovdu finanzjament aħjar tal-ekonomija.

6.3

Ix-xenarju tal-iżvilupp tad-dinja finanzjarja u tas-settur bankarju nbidel matul dawn l-aħħar tletin sena: il-ftuħ tas-swieq wassal għall-globalizzazzjoni tal-finanzi, u dan min-naħa tiegħu wassal għall-iżvilupp u l-proliferazzjoni tar-rifuġji fiskali u regolatorji. Iż-żieda fil-kompetizzjoni fil-livell dinji ħeġġet il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ġodda, u prodotti u servizzi ġodda.

6.4

Il-gruppi bankarji l-kbar taw xhieda tad-dgħufijiet u l-limiti ta’ livell ta’ tkabbir li jmur kontra governanza tajba. Ser ikollhom it-tendenza jnaqqsu d-daqs tagħhom biex isiru iżjed sodi, bi fluttwazzjonijiet inqas evidenti, iżjed prevedibbli u mingħajr bonusijiet stravaganti. Ser jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-kompitu bażiku tagħhom, jiġifieri dak li jirċievu d-depożiti u jipprovdu l-kreditu, filwaqt li jillimitaw servizzi oħra. Ser jillimitaw ukoll l-espansjoni internazzjonali tagħhom u jiffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq is-swieq li jgawdu minn livell ogħla ta’ tkabbir, u dan ser jillimita l-qligħ tagħhom.

6.5

Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda, l-għoti ta’ bonusijiet u l-prattiki relatati mar-rimunerazzjoni tal-maniġment ser ikunu soġġetti għal responsabbiltà ikbar u kontrolli iżjed rigorużi.

6.6

Superviżjoni bankarja li tkun estiża għall kull tip ta’ intrapriża finanzjarja tippermetti l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet mhux bankarji (pereżempju, ix-shadow banking).

6.7

Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli vinkolanti dwar l-aċċess għall-professjoni bankarja biex ikun jista’ jintgħażel persunal bil-ħiliet meħtieġa biex il-klijenti u l-investituri jkollhom moħħhom mistrieħ.

6.8

Meta jintemmu l-għajnuna mill-Istat u l-għajnuna internazzjonali mogħtija bi tweġiba għall-kriżijiet finanzjarji, is-settur kollu bla dubju ser jevolvi skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, iżda l-iżjed ser jibni fuq l-istrateġiji speċifiċi għal kull intrapriża ġestita tajjeb. Il-banek ser ikollhom il-kompitu diffiċli li jżommu l-kredibbiltà tagħhom bħala entitajiet li jiffinanzjaw l-ekonomija reali filwaqt li jiffaċċjaw spejjeż ta’ finanzjament iżjed għoljin u livell iżjed baxx ta’ qligħ.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE” (ĠU C 181, 21.06.2012, p. 55), u l-Opinjoni tal-KESE tal-15 ta’ Lulju 2010 dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (2010) (ĠU C 44, 11.02.2011, p. 81).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija (ETPs) u l-bidla industrijali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/03

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija (ETPs) u l-bidla industrijali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa konxju li biex tiġi antiċipata bidla industrijali jeħtieġ eżerċizzju ta’ tbassir diffiċli, għalkemm meħtieġ, ibbażat fuq għadd ta’ fatturi differenti li għandhom effett fuq dawk il-bidliet. Wieħed mill-muturi prinċipali tal-bidla huwa r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), u l-ETPs huma l-indikaturi ewlenin.

1.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tkompli tappoġġja l-attivitajiet tal-ETPs eżistenti u ttejjeb l-iskambji kemm bejniethom stess kif ukoll mal-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li s-setturi tal-industrija relatati mal-ETP għandhom pożizzjoni fundamentali fil-katina tal-valur: ħafna innovazzjonijiet jiddependu fuq proċessi bażiċi (il-manifattura, l-industriji tal-ipproċessar, il-forestrija, ir-robotika) u materjali (il-kimiċi, l-azzar...). Għaldaqstant, l-innovazzjonijiet fil-proċessi u l-materjali għandhom effett katalitiku fuq l-innovazzjoni Ewropea.

1.4   Il-KESE jirrikonoxxi li l-ETPs diġà qed jindirizzaw sfidi soċjetali. Dawn ikopru qasam li għandu impatt kbir fuq is-soċjetà f’termini ta’ tkabbir u impjiegi b’valur miżjud. L-ETPs iwieġbu għal kwistjonijiet ewlenin ta’ politika (pereżempju l-bijoekonomija, il-materja prima u l-effiċjenza tar-riżorsi).

1.5   L-ETPs huma eżempju ċar u konkret ta’ approċċ minn isfel għal fuq għall-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea li tinvolvi l-industrija, u partijiet interessati importanti oħra, tul il-fażijiet tal-innovazzjoni. L-Orizzont 2020 jeħtieġ dan it-tip ta’ approċċ.

1.6   IL-KESE jitlob għal implimentazzjoni iktar effettiva tal-proċess ta’ semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-KE (inkluża l-parteċipazzjoni fi proġetti tal-UE), għal sforz akbar sabiex jitnaqqsu l-frammentazzjoni u l-kompetizzjoni bejn inizjattivi istituzzjonali, għal politiki koordinati aħjar u għal viżibbiltà aqwa fil-futur f’livell istituzzjonali, sabiex l-ETPs isiru aktar effettivi.

1.6.1   Il-KESE jemmen li l-ETPs huma kruċjali sabiex tingħata spinta lill-“politika industrijali” tal-UE. Dawn igawdu minn kontributi u appoġġ qawwija mill-industrija, li hija waħda mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tal-KE. L-ETPs jitmexxew mill-industrija, u b’hekk tiġi żgurata r-rilevanza industrijali tal-inizjattivi tagħhom. Il-kontribut ipprovdut mill-ETPs jikkonċerna mhux biss il-ħtiġijiet tat-teknoloġija u r-riċerka iżda anki t-trasferiment tat-teknoloġija.

1.6.2   Fir-rigward ta’ eżempji eżistenti (ESTEP, PLATEA u oħrajn), trejdjunjins u partijiet interessati rilevanti oħra għandhom jiġu involuti aktar fl-ETPs, il-Pjattaformi Teknoloġiċi Nazzjoni (NTPs) u Reġjonali (RTPs) fuq bażi kooperattiva permanenti sabiex kwistjonijiet soċjali u soċjetali, li jsaħħu l-impatt tal-Aġendi Strateġiċi ta’ Riċerka (SRAs) rispettivi, ikunu jistgħu jiġu koperti.

1.6.3   Id-diffikultajiet fl-involviment tal-SMEs għandhom jiġu riżolti permezz ta’ benchmarking kostanti mal-aktar eżempji ta’ suċċess kif isir mill-Intrapriża Konġunta taċ-Ċellula ta’ Kombustjoni u l-Idroġenu (Joint Undertaking of Fuel Cell and Hydrogen – FCH-JU).

1.7   Il-pjattaformi nazzjonali u reġjonali relatati jirriflettu l-istruttura tal-ETP fil-livell tal-Istati Membri. Il-koordinazzjoni u l-armonizazzjoni tal-programmi tal-R&I tal-UE, dawk nazzjonali u dawk reġjonali għandhom jittejbu permezz ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-ETPs.

1.8   L-ETPs jistgħu jagħtu kontribut kbir lill-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej. Ġew definiti prijoritajiet speċifiċi biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-oqsma pubbliċi u privati: L-effiċjenza tar-Riżorsi u tal-Enerġija fl-Industrija tal-Proċess (SPIRE), Sħubijiet Ewropej ta’ Innovazzjoni dwar l-Ilma, il-Materja Prima, il-Bliet Intelliġenti (b’mod konġunt mal-pjan SET) u EMIRI (Inizjattiva ta’ Riċerka Industrijali dwar Materjali tal-Enerġija). Din il-kooperazzjoni u koordinazzjoni intersettorjali mtejba permezz tal-ETPs fl-aħħar mill-aħħar ser tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà Ewropea.

1.9   Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu sabiex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali, sabiex jattiraw l-għarfien espert globali l-iktar riċenti, fl-interess tal-isfruttar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-UE.

1.10   Aċċess kumplementari għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti – għandhom jitħeġġu u jiġu ffaċilitati Fondi Strutturali għall-NTPs f’livell nazzjonali u reġjonali.

1.11   Ir-rwol ta’ fornitur ta’ soluzzjonijiet tal-ETPs fir-rigward ta’ sfidi soċjetali ser jikseb profil ogħla fl-indirizzar tal-innovazzjoni flimkien mar-riċerka. Dan huwa kruċjali sabiex jiġu appoġġjati l-welfare u l-benessri fl-Ewropa.

1.12   Il-KESE jifraħ lill-ETPs għar-rwol tagħhom, bħala rabta mal-istrumenti ta’ innovazzjoni min-naħa tad-domanda li jikkumplementaw azzjonijiet tal-R&I u jaċċeleraw l-adozzjoni fis-suq. L-ETPs huma kruċjali wkoll għall-implimentazzjoni tar-riżultati tal-R&I. Il-Kumitat jitlob għal żieda fl-użu ta’ Azzjonijiet ta’ Appoġġ u Koordinazzjoni għall-promozzjoni ta’ kollaborazzjonijiet fil-katina tal-valur.

1.13   Il-proċessi ta’ manifattura u l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-manifattura qed jitilfu l-attrazzjoni soċjetali tagħhom għall-pubbliku ġenerali u speċjalment għaż-żgħażagħ. Din hija wkoll konsegwenza tad-delokalizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ manifattura barra mill-Ewropa u, f’ċirku vizzjuż, twassal għal aktar delokalizzazzjoni. Il-KESE jistenna li l-ETPs ikunu jistgħu jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ diversi proċessi industrijali ta’ manifattura.

1.14   L-ETPs jistgħu jbatu mid-deklin tal-industrija tal-UE. L-industriji tal-UE qed jitilfu l-pożizzjoni mexxejja dinjija tagħhom; qed ibatu minn livell baxx tat-teħid ta’ riskji fl-UE u minn nuqqas ta’ intraprenditorija meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja.

1.15   L-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ li jiffokaw fuq in-nies għandhom jiġi appoġġjati u msaħħa fi ħdan il-qafas tal-ETP bħala elementi strateġiċi tal-pjattaformi. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti fuq bażi permanenti rabtiet mill-qrib ma’ Kumitati settorjali ta’ djalogu soċjali tal-UE u l-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO).

1.16   L-ETS jista’ jkollhom ukoll impatt sostanzjali fuq kwistjonijiet soċjali u soċjetali, b’mod partikolari fuq l-orjentament mill-ġdid tas-sistemi tal-edukazzjoni pubblika u t-Taħriġ Edukattiv Vokazzjonali (VET) għall-ħtiġijiet tal-industriji u s-setturi tal-manifattura Ewropej. Għandu jsir sforz kbir fit-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid sabiex il-ħaddiema jitħejjew jiffaċċjaw teknoloġiji ta’ proċess u prodotti ġodda li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Persuni kwalifikati u impjegati b’mod stabbli biss ser ikunu kapaċi jittrattaw teknoloġiji ġodda ta’ livell għoli.

2.   It-twaqqif u l-istorja tal-ETPs

2.1   F’Marzu 2003, il-Kunsill tal-UE talab biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) billi jinħolqu ETPs li jġibu flimkien l-għarfien teknoloġiku, l-industrija, ir-regolaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

2.2   L-ETPs ġew stabbiliti bħala forums tal-partijiet interessati mmexxija mill-industrija bil-mira li jiġu definiti għanijiet ta’ riċerka u tat-teknoloġija fuq terminu ta’ żmien medju u fit-tul u li jiġu żviluppati pjani direzzjonali. Il-mira tagħhom kienet li jikkontribwixxu sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn atturi differenti fir-riċerka, biex jiġu definiti prijoritajiet fuq għadd ta’ żoni teknoloġiċi fejn kien hemm tkabbir, kompetittività u sostenibbiltà għall-UE.

2.3   Il-KE appoġġjat l-iżvilupp tal-ETPs u wettqet ir-rwol ta’ faċilitatur. Il-KE tipparteċipa bħala osservatur u timpenja ruħha għal djalogu strutturat dwar prijoritajiet ta’ riċerka. L-ETPs mhumiex il-proprjetà tal-KE u lanqas ma huma ġestiti minnha: huma organizzazzjonijiet indipendenti. Il-KE timpenja ruħha għal djalogu strutturat dwar il-politika tar-riċerka u l-prijoritajiet mal-ETPs. Il-websajt CORDIS tal-KE, il-fuljett tal-ETP u s-seminars regolari tal-mexxejja tal-ETP jiffaċilitaw il-fluss tal-komunikazzjoni.

2.4   Uħud mill-ETPs huma netwerks individwali li jingħaqdu flimkien f’laqgħat annwali, iżda oħrajn għandhom strutturi legali b’miżati ta’ sħubija. L-ETPs kollha ġabu flimkien lill-partijiet interessati, laħqu kunsens dwar viżjoni komuni u waqqfu SRA. L-ETPs jiġu żviluppati permezz tad-djalogu bejn riċerkaturi industrijali u pubbliċi u rappreżentanti nazzjonali tal-gvern; dawn jikkontribwixxu wkoll sabiex joħolqu kunsens u sabiex jallinjaw l-isforzi tal-investiment b’mod iktar effettiv.

2.5   L-ETPs irawwmu PPPs effettivi, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp taż-ŻER tal-għarfien għat-tkabbir. Tali PPPs jistgħu jindirizzaw sfidi teknoloġiċi li jistgħu jkunu kruċjali għall-iżvilupp sostenibbi, it-twassil imtejjeb ta’ servizzi pubbliċi u l-istrutturar mill-ġdid ta’ setturi industrijali tradizzjonali.

3.   L-ETPs u l-bidla industrijali

3.1   Il-bidla industrijali (1) hija proċess kontinwu influwenzat minn diversi fatturi differenti bħal xejriet tas-suq, bidliet organizzattivi, soċjali, soċjetali u strutturali, u innovazzjoni teknika fi proċessi ta’ produzzjoni u fi prodotti.

3.2   L-innovazzjoni hija wkoll proċess kontinwu, u hija waħda mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-bidla industrijali permezz ta’ trasferiment kontinwu ta’ sejbiet xjentifiċi ġodda lejn il-katina tal-produzzjoni reali. Barra minn hekk, hija l-mutur ewlieni tal-kompetittività globali fis-setturi tal-manifattura u tas-servizzi fl-UE.

3.3   F’termini tal-proċess tal-innovazzjoni għandha tingħata konsiderazzjoni bir-reqqa lill-mod kif jintużaw riżorsi finanzjarji skarsi fl-Ewropa. L-ETPs diġà huma strumenti eżistenti b’saħħithom, u jistgħu jkunu s-soluzzjoni konkreta għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali.

3.4   In-natura u l-kontenut intrinsiku tal-bidla industrijali huma mmexxija prinċipalment permezz tal-innovazzjoni, u l-ETPs qed ikunu dejjem aktar is-siti fiżiċi li minnhom toriġina l-innovazzjoni. L-ETPs huma mmirati lejn applikazzjonijiet industrijali prattiċi li għandhom impatt fuq proċessi tal-produzzjoni, prodotti, organizzazzjoni tax-xogħol u kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol.

3.5   L-istituzzjonijiet Ewropej qed jirrakkomandaw parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati kollha fl-ETPs. B’mod partikolari, ikun ideali li l-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw bil-mezzi prattikabbli kollha lill-SMEs jew lill-assoċjati ta’ riċerka ekonomika b’mod korporattiv, bħal fil-kooperattiva tal-għarfien, sabiex dawn il-kumpaniji Ewropej popolari ħafna jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-pjattaformi. L-ispejjeż tal-pjattaformi jirrappreżentaw ostaklu għall-SMSs l-universitajiet biex dawn jiġu involuti f’ħidma ta’ riċerka.

3.6   Minħabba l-iskala u l-importanza tal-ETPs fil-kuntest tal-UE bħala korpi stabbiliti fuq bażi volontarja u miftuħa għal kwalunkwe parti interessata, huwa vitali li jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom bħala strumenti b’saħħithom għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

3.7   It-transizzjoni għal attivitajiet ta’ manifattura u ta’ servizzi iktar sostenibbli fl-UE u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 ser ikunu dipendenti b’mod qawwi fuq l-innovazzjoni reali li l-ETPs ser ikunu jistgħu jwasslu fid-deċennju li jmiss.

3.8   L-innovazzjoni reali u konkreta u t-tibdil industrijali jistgħu jinkisbu permezz tat-tfassil parallel ta’ proċessi/prodotti innovattivi u l-ħiliet u l-organizzazzjoni tax-xogħol meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha fl-attivitajiet tal-manifattura u tas-servizzi.

3.9   Xi ETPs jiġu organizzati biex iqisu, sa mill-bidu nett, l-aspetti soċjali tal-proċess tal-innovazzjoni u, fl-Aġendi Strateġiċi għar-Riċerka tagħhom, jintroduċu attivitajiet relatati mal-ħtiġijiet futuri tar-riżorsi umani, ħafna drabi b’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati tad-djalogu soċjali tas-settur rispettivi tal-UE, li magħhom jiskambjaw ukoll l-informazzjoni.

3.10   Minħabba l-għamla tagħha u r-rabtiet qawwija tagħha mas-setturi ewlenin tal-UE, is-CCMI tal-KESE analizzat is-sitwazzjoni attwali fid-diversi industriji u pprovdiet rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u lill-Istati Membri permezz ta’ dan il-proċess mhux burokratiku, minn isfel għal fuq. L-għan huwa li jingħata kontribut lill-implimentazzjoni tal-politika industrijali tal-UE u tal-bidla industrijali mixtieqa.

4.   Ir-rwol tal-ETP għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I)

Il-KE żviluppat u implimentat serje ta’ inizjattivi biex issaħħaħ l-ETPs u l-azzjoni industrijali u biex iddaħħal fis-seħħ politiki bbażati fuq it-teknoloġija.

4.1   L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK) huma mezz sabiex l-Aġendi Strateġiċi għar-Riċerka jiġu implimentati għal għadd limitat ta’ ETPs. Fi ftit mill-ETPs, l-iskala u l-ambitu tal-għanijiet huma tali li l-istrumenti regolari tal-Programm Qafas għall-R&I mhumiex suffiċjenti. Minflok, implimentazzjoni effettiva teħtieġ mekkaniżmu ddedikat li jiżgura t-tmexxija u l-koordinazzjoni meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-riċerka. Sabiex jiġu sodisfati dawk il-ħtiġijiet, ġie żviluppat il-kunċett ta’ “ITK”.

4.2   L-eks-Kummissarju għax-Xjenza u r-Riċerka, u rappreżentanti ta’ livell għoli tal-industrija ltaqgħu f’Marzu 2009 sabiex jirrevedu l-progress u jiddiskutu l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni ta’ strumenti ġodda ta’ riċerka tal-“PPPs”. Dawk il-prijoritajiet u l-istrumenti intużaw għall-inizjattivi Fabbriki tal-Futur, Bini effiċjenti fl-Enerġija u Karozzi ekoloġiċi inklużi fil-Pjan tal-UE għall-Irkupru Ekonomiku li ġie adottat f’Novembru 2008.

4.3   It-tliet PPPs jirrappreżentaw mezz b’saħħtu li jagħti spinta lill-isforzi tar-riċerka fi tliet setturi industrijali kbar – tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tal-manifattura – li ġew affettwati b’mod partikolari mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u fejn l-innovazzjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn ekonomija aktar ekoloġika u sostenibbli.

4.4   Il-Pjan SET, li ġie adottat mill-UE fl-2008, huwa l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta’ politika tat-teknoloġija tal-enerġija għall-UE. Dan huwa strument ta’ appoġġ fit-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politika tal-enerġija tal-UE, bl-għan li:

jiġu aċċelerati l-iżvilupp tal-għarfien, u t-trasferiment u l-adozzjoni tat-teknoloġija;

jingħata appoġġ lit-tmexxija industrijali tal-UE fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju;

il-promozzjoni tax-xjenza għat-trasformazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija sabiex jinkisbu l-miri 2020 dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima;

isir kontribut għat-transizzjoni f’livell dinji għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050.

L-implimentazzjoni tal-Pjan SET bdiet bit-twaqqif tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs) li jġibu flimkien l-industrija, il-komunità tar-riċerka, l-Istati Membri u l-KE f’PPPs li jikkondividu r-riskju. B’mod parallel, l-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA) ilha taħdem sa mill-2008 sabiex tallinja l-attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka individwali għall-ħtiġijiet tal-prijoritajiet tal-Pjan SET, u biex jiġi stabbilit qafas tal-ipprogrammar konġunt fil-livell tal-UE.

4.5   L-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni (LMI) tal-UE tappoġġja azzjonijiet għal sitt setturi importanti sabiex jitnaqqsu l-ostakli biex jiddaħħlu prodotti jew servizzi ġodda fis-suq. Il-KE, l-Istati Membri u l-industrija jaħdmu flimkien biex iwettqu l-pjani ta’ azzjoni. L-istrumenti tal-politika jittrattaw ir-regolamentazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-istandardizzazzjoni u l-attivitajiet ta’ appoġġ. L-LMI tindirizza s-swieq li ġejjin: is-saħħa elettronika, it-tessuti protettivi, il-kostruzzjoni sostenibbli, ir-riċiklaġġ, il-prodotti magħmulin minn materjal bijoloġiku u l-enerġiji rinnovabbli.

5.   ETPs: Riżultati tal-analiżi SWOT

5.1   Filwaqt li jitqies l-għadd kbir ta’ ETPs illum, huwa ovvju li l-livelli tagħhom ta’ twassil (prestazzjoni) kienu differenti fil-passat, u ser ikunu differenti fil-futur. Għaldaqstant, il-Kumitat wettaq analiżi inizjali sabiex jipprova jidentifika l-muturi ġenerali l-kbar lejn l-eċċellenza (aspetti b’saħħithom u opportunitajiet) u, iktar importanti, l-ostakli l-kbar (dgħufijiet u theddidiet).

5.2   Aspetti b’saħħithom

L-ETPs jiġbru flimkien il-partijiet interessati kollha: iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet, l-industrija (atturi kbar u SMEs), produtturi tal-impjanti, organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr skopijiet ta’ qligħ kif ukoll dawk kummerċjali, assoċjazzjonijiet, awtoritajiet pubbliċi u għaqdiet.

Fil-pjattaforma hemm identifikazzjoni ċara ta’ “rwoli” u ġerarkija fi ħdan is-settur. Il-partijiet interessati jikkondividu viżjoni komuni, pjan direzzjonali komuni u pjan ta’ implimentazzjoni komuni.

L-ETPs igawdu minn kontribut u appoġġ qawwi mill-industrija, li hija waħda mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tal-KE. L-ETPs huma mmexxija mill-industrija, u b’hekk tiġi żgurata r-rilevanza industrijali tal-inizjattivi tagħhom. Il-kontribut ipprovdut mill-ETPs mhux biss jolqot il-ħtiġijiet tat-teknoloġija u r-riċerka iżda anke t-trasferiment teknoloġiku.

L-ETPs għandhom struttura ta’ ġestjoni magħmula minn għadd relattivament żgħir ta’ membri, u huma “forzi” ta’ mobilizzazzjoni u ta’ ġbir ta’ riżorsi.

Is-setturi tal-industrija relatati mal-ETP għandhom pożizzjoni fundamentali fil-katina tal-valur: ħafna innovazzjonijiet huma dipendenti fuq proċessi bażiċi (pereżempju, il-manifattura, l-industriji tal-ipproċessar, il-forestrija u r-robotika) u materjali (il-kimiċi u l-azzar). Għaldaqstant, l-innovazzjonijiet tal-proċessi u materjali għandhom effett katalitiku fuq l-innovazzjoni tal-UE.

L-ETPs diġà qed jindirizzaw sfidi li jikkonċernaw lis-soċjetà. Ikopru żona li għandha impatt kbir fuq is-soċjetà f’termini ta’ tkabbir u impjiegi b’valur miżjud. L-ETPs iwieġbu għal kwistjonijiet tal-politika ewlenin (pereżempju, il-bijoekonomija, il-materja prima u l-effiċjenza tar-riżorsi)

Uħud mill-ETPs għandhom fis-seħħ TPs Nazzjonali u TPs Reġjonali, fil-pajjiżi kollha tal-UE.

L-edukazzjoni tiġi indirizzata bħala element strateġiku tal-pjattaformi.

Għadd ta’ vetturi ta’ implimentazzjoni (eż. PPP, Raggruppamenti eċċ) li joriġinaw minn ETPs eżistenti diġà huma fis-seħħ.

5.3   Dgħufijiet

L-ETPs għandhom jaħsbu b’mod strateġiku, u għandhom jevitaw li jsiru gruppi ta’ pressjoni magħmula minn ftit nies u li jitilfu l-punt fokali tagħhom. L-ETPs jistgħu jsofru minn dupplikazzjoni jew frammentazzjoni eċċessiva ta’ attività.

F’ċerti każijiet, il-“parteċipanti” il-kbar jiddominaw l-azzjoni tal-ETP.

Mhuwiex faċli li jiġu rikonoxxuti u attribwiti applikazzjonijiet u innovazzjonijiet finali lill-ETPs:

Il-viżibbiltà tal-ETPs għadha baxxa, kemm fl-oqsma pubbliċi kif ukoll f’dawk privati

L-NGOs mhumiex interessati li jinvolvu ruħhom

Ġeneralment, gruppi korrispondenti mal-Istati Membri (NTPs u RTPs) ma rnexxewx

Jeħtieġ li jsir sforz ikbar sabiex tiġi ġġenerata perspettiva multisettorjali li tarmonizza l-interessi tal-partijiet interessati u l-interazzjoni tagħhom.

L-ETPs għandhom itejbu kemm il-komunikazzjoni tagħhom kif ukoll it-tixrid tar-riżultati.

5.4   Opportunitajiet

L-ETPs huma kruċjali sabiex tingħata spinta lill-“politika industrijali” tal-UE. L-NTPs u l-RTPs rilevanti jirriflettu l-istruttura tal-ETP fil-livell tal-Istati Membri, u b’hekk itejbu l-koordinazzjoni u l-effettività tal-pjattaforma. Il-koordinazzjoni u l-armonizazzjoni ta’ programmi tal-R&I Ewropej, dawk nazzjonali u dawk reġjonali għandhom jittejbu permezz ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-ETPs.

Ir-rwol ta’ fornitur ta’ soluzzjonijiet tal-ETPs fir-rigward ta’ sfidi soċjetali ser jikseb profil ogħla fid-dawl tal-istrateġija mtejba tal-indirizzar tal-innovazzjoni flimkien mar-riċerka.

Ġew definiti prijoritajiet speċifiċi sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-oqsma pubbliċi u privati: L-effiċjenza tar-Riżorsi u tal-Enerġija fl-Industrija tal-Proċess (SPIRE), PPPs ta’ Industriji b’bażi bijoloġika, Sħubijijiet Ewropej ta’ Innovazzjoni dwar l-Ilma, il-Materji Primi, Bliet Intelliġenti (b’mod konġunt mal-pjan SET u EMIRI).

L-ETPs jitolbu lill-KE għal użu akbar ta’ Azzjonijiet ta’ Appoġġ u Koordinazzjoni għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-katina tal-valur u sabiex jittejbu l-isforzi favur is-semplifikazzjoni. It-titjib fil-kooperazzjoni internazzjonali, sabiex jiġi attirat l-aħjar għarfien globali għall-kummerċjalizzazzjoni u l-isfruttar lejn l-UE, jista’ jagħti kontribut prinċipali lill-ħidma tal-ETPs.

L-ETPs għandhom jorbtu l-istrumenti ta’ innovazzjoni min-naħa tad-domanda biex jikkumplementaw azzjonijiet ta’ riċerka sabiex jaċċelleraw l-adozzjoni fis-suq.

L-ETPs jistgħu joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ta’ diversi proċessi ta’ manifattura industrijali sabiex jiġu appoġġjati l-welfare u l-benessri fl-Ewropa.

L-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ li jiffokaw fuq in-nies għandhom jinżammu fi ħdan il-qafas tal-ETP.

5.5   Theddidiet

L-ETPs isostnu li hemm nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jitħaddmu l-pjattaformi.

L-ETPs jistgħu jbatu mid-deklin tal-industrija tal-UE. L-Industriji tal-UE qed jitilfu l-pożizzjoni mexxejja dinjija tagħhom; qed ibatu minn livell baxx ġenerali tat-teħid ta’ riskji fl-UE u minn nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ intraprenditorija meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja.

Implimentazzjoni iktar effettiva tal-proċess ta’ semplifikazzjoni tal-qafas regolatorju tal-KE (inkluża l-parteċipazzjoni fi proġetti tal-UE), sforz akbar biex jitnaqqsu l-frammentazzjoni u l-kompetizzjoni bejn inizjattivi istituzzjonali, politiki koordinati aħjar u viżibbiltà miżjuda fil-futur f’livell istituzzjonali, jistgħu jżidu l-effikaċja tal-ETPs.

Il-proċessi ta’ manifattura u l-attivitajiet tar-R&I relatati mal-manifattura qed jitilfu l-attrazzjoni soċjali tagħhom għall-pubbliku ġenerali u speċjalment għaż-żgħażagħ. Din hija wkoll konsegwenza tad-delokalizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ manifattura barra mill-Ewropa.

6.   Kooperazzjoni fost l-ETPs u bejn l-ETPs u l-Kummissjoni Ewropea

L-ETPs kienu attivi fl-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru għar-R&I tal-UE. Issa, l-ETPs qed jipprovdu informazzjoni u proposti għal ħidma kontinwa għat-twaqqif tal-Orizzont 2020 sabiex dan l-istrument ikun konformi mal-ħtiġijiet reali tas-soċjetà Ewropea, b’mod partikolari mal-ħtiġijiet tas-setturi tal-manifattura u tas-servizzi.

6.1   Orizzont 2020

6.1.1   Orizzont 2020 huwa l-istrument li jimplimenta l-Unjoni tal-Innovazzjoni, inizjattiva ewlenija Ewropa 2020 immirata lejn l-iżgurar tal-kompetittività globali tal-Ewropa. Dan ser isir mill-2014 sal-2020 b’baġit ta’ EUR 80 biljun, u huwa parti mill-isforz sabiex jinħolqu tkabbir ġdid u impjiegi ġodda fl-Ewropa. L-Orizzont 2020 ser:

isaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fix-xjenza;

isaħħaħ it-tmexxija industrijali fl-innovazzjoni. Dan jinkludi investiment kbir f’teknoloġiji ewlenin, u aċċess akbar għall-kapital u għall-appoġġ lill-SMEs;

jgħin sabiex jiġi indirizzat it-tħassib kbir fost l-Ewropej kollha rigward kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tat-trasport u l-mobbiltà sostenibbli.

6.1.2   L-Orizzont 2020 ser jindirizza sfidi soċjetali billi jgħin sabiex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq. Dan l-approċċ immexxi mis-suq ser jinkludi l-ħolqien ta’ sħubijijiet mas-settur privat u l-Istati Membri.

6.1.3   L-Orizzont 2020 ser jiġi kkumplimentat minn iktar miżuri sabiex tiġi ppjanata u żviluppata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka sal-2014. Dawn il-miżuri ser ikollhom l-iskop li jeliminaw l-ostakli sabiex jinħoloq suq uniku ġenwin għall-għarfien u l-R&I.

6.2   Ewropa 2020

6.2.1   Ewropa 2020 hija l-istrateġija għat-tkabbir tal-UE għad-deċennju li ġej. L-UE għandha ssir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dawn it-tliet prijoritajiet ta’ rinfurzar reċiproku għandhom jgħinu lill-UE u lill-Istati Membri sabiex iwasslu livelli għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali.

6.2.2   F’termini prattiċi, l-UE stabbilixxiet ħames miri ambizzjużi – dwar l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-klima/l-enerġija – li jridu jintlaħqu sal-2020. Kull Stat Membri adotta l-miri nazzjonali tiegħu f’kull wieħed minn dawn l-oqsma. Azzjonijiet konkreti fil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali jsaħħu l-istrateġija.

6.3   Ir-rwol tal-ETPs fil-futur

6.3.1   Ir-rwol tal-ETPs huwa mistenni li jinżamm fil-futur. Barra minn hekk, l-ETPs jistgħu wkoll jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ strumenti tal-KE li xi wħud minnhom diġà ġew ittestjati fis-Seba’ Programm Kwadru. Il-KE hija mistennija li tuża iktar (anki jekk f’ammont limitat) strumenti ta’ implimentazzjoni fl-Orizzont 2020 bħal PPPs u Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK).

6.3.2   Hemm impenn qawwi mill-industrija u mill-partijiet interessati aktar fil-wisa’ sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija hawn fuq. Eżempji jinkludu Sħubijiet Pubbliċi Privati għall-PPPs ta’ Industriji b’bażi bijoloġika (Bażi bijoloġika għat-Tkbabbir), l-Industrija tal-Ipproċessar Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-użu tar-Riżorsi u tal-Enerġija (SPIRE), l-Inizjattiva tar-Riċerka Industrijal tal-Materjali tal-Enerġija (EMIRI) u r-Riċerka fil-qasam tan-Netwerks għall-Infrastruttura fl-Ewropa tal-Ġejjieni (reFINE).

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Bidla Industrijali: il-qagħda attwali u prospetti. Approċċ ġenerali.”ĠU C 010, 14.01.2004, p. 105-113 (opinjoni mhux tradotta għall-Malti).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/04

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sinjura HRUŠECKÁ

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 voti favur, vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Id-dinja hija soġġetta għal tibdil ġeopolitiku rapidu. Il-pożizzjoni dominanti tad-dinja tal-Punent qed tiġi sfidata, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll minn dik politika. Filwaqt li l-baġits għad-difiża fl-Unjoni Ewropea qed jitnaqqsu, qed naraw żieda fl-infiq relatat mad-difiża fiċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja, fost pajjiżi oħra. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu valutazzjoni globali tal-aspetti determinanti tal-pożizzjoni u r-rwol tal-UE fid-dinja, bil-għan li jaslu għal aġġornament konvinċenti tal-politika estera, u dik tas-sigurtà u d-difiża tal-UE.

1.2

Il-politika tad-difiża hija influwenzata mill-interessi strateġiċi tal-pajjiżi, it-theddid perċepit u l-għanijiet politiċi, li fl-Ewropa huma definiti l-iżjed f’termini nazzjonali. Huwa evidenti li approċċi li għadda żmienhom iwasslu għal żieda fil-frammentazzjoni, lakuni kapaċità eċċessiva u nuqqas ta’ interoperabbiltà fil-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża. L-argumenti favur titjib huma konvinċenti ferm; hija kwistjoni ta’ rieda politika. Dan l-argument kien diġà tressaq b’mod konvinċenti fl-1986! (1). Is-sitwazzjoni issa hija ħafna iżjed urġenti minn perspettiva politika u ekonomika u dik ta’ difiża. Il-KESE jitlob lill-Kunsill jaħdem bis-serjetà fuq pjan globali tal-UE fil-qasam tad-difiża.

1.3

Il-politika tas-sigurtà u tad-difiża għandha ssaħħaħ il-fiduċja li l-UE u l-Istati Membri għandhom fihom innifishom. Għandha trawwem fiduċja fost is-soċjetà u l-pubbliku inġenerali, suldati mogħnija b’mod adatt, in-negozji u l-forza tax-xogħol tas-settur. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ikunu mħarsa b’mod adegwat. Huma meħtieġa dejjem iżjed armamenti Ewropej li jilqgħu b’mod adegwat għall-isfidi tal-futur. Għal dan il-għan, il-prattiki iżolati attwali tal-Istati Membri huma kompletament insuffiċjenti, u jaħlu wkoll il-flus tal-kontribwenti.

1.4

B’konformità mal-politiki u l-prattiki attwali fl-Istati Uniti u atturi dinjin (emerġenti) oħrajn, kif ukoll fid-dawl tar-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet li jipproteġu ċ-ċittadini u jiżguraw is-sigurtà, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu definiti l-interessi strateġiċi Ewropej fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (2). Fl-aħħar mill-aħħar, it-trijanglu tal-affarijiet barranin u s-sigurtà, il-politika tad-difiża, u l-kapaċità industrijali huwa indiviżibbli, li lkoll flimkien jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja u l-interessi ekonomiċi u politiċi u l-valuri tagħha (drittijiet tal-bniedem, demokrazija). Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jkun involut b’mod dirett.

1.5

Il-KESE jenfasizza li, jekk l-Ewropa tixtieq tkompli tħaddan industrija soda tas-sigurtà u d-difiża, billi toħloq massa kritika għall-effettività u l-kosteffiċjenza, hemm bżonn ta’ bidla radikali fil-mentalità u l-politiki. Dawn għandhom joħolqu futur stabbli u prevedibbli għall-forzi armati, kif jistħoqqlu l-piż ekonomiku u teknoloġiku tal-Ewropa. Fid-dawl ta’ differenzi kbar bejn l-Istati Membri, il-biċċa l-kbira tar-responsabbiltà f’dan ir-rigward hija tal-Istati Membri produtturi ewlenin.

1.6

Fil-fehma tal-KESE, jeżistu argumenti b’saħħithom favur it-tisħiħ tal-proċessi Ewropej għall-ippjanar u l-koordinazzjoni impenjata:

is-settur huwa kkumplikat u mogħni b’għarfien intensiv; jitlob ippjanar fit-tul

minkejja l-privatizzazzjoni, il-gvernijiet għandhom interess kbir fl-industrija tad-difiża bħala klijenti, regolaturi u fornituri ta’ liċenzji tal-esportazzjoni

ċerti nuqqasijiet fl-istruttura attwali u restrizzjonijiet baġitarji (severi) jitolbu aġġustamenti ġodda b’mod galbat minflok approċċi kontinwi mingħajr pjan definit li jdgħajfu l-kredibbiltà interna u esterna

għandha tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn il-pajjiżi produtturi ewlenin u dawk li jipproduċu inqas jew ma jipproduċux għalkollox biex jiġi promoss ix-xiri tal-armamenti fl-Ewropa, u biex isir użu mill-għarfien disponibbli kollu u mill-kumpaniji l-kbar u l-SMES tal-kontinent kollu

fl-aħħar nett, produzzjoni li tirnexxi fil-livell dinji min-naħa tal-industrija Ewropea ser tiddependi mill-iżvilupp ta’ suq domestiku stabbli fl-Ewropa.

1.7

Minbarra l-miżuri meħuda mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-Pakkett tad-Difiża tal-2007 (3), il-KESE jitlob għal politika industrijali Ewropea mfassla tajjeb għas-settur tad-difiża, u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu tal-ħtiġijiet tal-gvern u l-fondi pubbliċi. Fil-qafas tal-Ewropa 2020, din il-politika industrijali għandha tissejjes fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE – bis-sehem tal-EDA u l-Kummissjoni bħala msieħba msieħba – kif ukoll fuq konsultazzjonijiet mal-industrija tad-difiża u partijiet interessati oħra, fosthom imsieħba soċjali u l-bżonn ta’ djalogu soċjali strutturat tajjeb.

1.8

Il-politiki u l-fondi tal-UE għandhom jorbtu flimkien l-investimenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jwassal għat-tnaqqis fil-frammentazzjoni u d-dupplikazzjoni tal-infiq pubbliku, u b’hekk jittejbu l-kwalità u l-interoperabbiltà.

1.9

Riċerka u żvilupp (R&Ż) avvanzati huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ armamenti tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” li huma meħtieġa ferm. Dawn it-tipi ta’ R&Ż qatt ma jistgħu jkunu fil-kompetenza esklużiva tal-industrija biss. Ir-responsabbiltà ewlenija hija tal-gvernijiet. Għaldaqstant, dan il-qasam huwa suxxettibbli ferm għat-tnaqqis baġitarju attwali. Il-Kunsill u l-partijiet interessati għandhom jidentifikaw b’mod urġenti u jniedu milll-iżjed fis possibbli programmi ta’ riċerka li jgħinu l-industrija Ewropea tindirizza dipendenzi mhux mixtieqa minn bnadi oħra. It-teknoloġija b’użu doppju (dual use technology) hija bżonjuża. Il-programm tal-UE fil-qasam tar-R&Ż għandu jipprovdi appoġġ. Għandu jiżgura kooperazzjoni transkonfinali effettiva fil-qasam tar-R&Ż.

1.10

Iż-żieda fit-tisħiħ tal-bażi tekonoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea għandha tiġi ppjanata kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, jinħtieġu miżuri sodisfaċenti fil-livell tal-UE (4).

1.11

Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni iżjed mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-EDA u partijiet interessati tal-UE oħra rilevanti. L-impenn imġedded tal-President, is-Sur Barroso (5), il-Viċi President, is-Sur Tajani, u l-Kummissarju, is-Sur Barnier, u t-twaqqif tat-Task Force dwar id-Difiża huma f’waqthom ferm. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll ir-riżoluzzjoni progressista tal-PE ta’ Diċembru li għadda dwar id-difiża Ewropea u l-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati (6).

1.12

Fl-istess spirtu u fid-dawl tat-tisħiħ tal-inizjattiva tat-Task Force dwar id-Difiża tal-KE, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqajjem dawn il-kwistjonijiet pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li tipprovdi elementi ta’ tweġibiet kif xieraq għas-sejbiet li jirriżultaw mid-differenzi fil-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi bejn l-Istati Membri kif ukoll mid-differenzi fil-livelli ta’ investiment fir-riċerka u d-difiża b’mod ġenerali.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni. L-Artikolu 42(3) jkompli jgħid li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni b’kapaċitajiet militari għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika. L-Aġenzija Ewopea għad-Difiża ilha tħabrek mill-2005 ’l hawn biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u tipprovdi tagħmir aħjar għas-suldati. Iżda, il-progress huwa limitat ħafna.

2.2

It-twettiq tas-suq intern u koordinazzjoni finanzjarja effettiva huma prijoritajiet ewlenin attwalment. L-Istrateġija Ewropa 2020 qed tagħti appoġġ qawwi liż-żewġ għanijiet li huma. Dan il-pass ġgantesk ’il quddiem għandu jispira wkoll passi ġodda fil-qasam tad-difiża Ewropea.

2.3

Iżda, ma jeżistix żvilupp simili fis-settur tad-difiża. Il-patt militari bejn Franza u r-Renju Unit tal-1998 ta x’jifhem li kien ser irawwem mentalità ġdida u bidu ġdid. L-istess spirtu ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib fil-qasam tad-difiża kien rifless fit-twaqqif tal-Kumpanija Ewropea tal-Ajrunawtika, id-Difiża u l-Ispazju (European Aeoronautic Defence and Space Company – EADS) fl-2003. Dan, iżda, ma kienx ikkonsolidat. Huwa importanti nifhmu li l-pajjiżi hekk imsejħa tal-ittra ta’ intenzjoni (letter of intent – LoI) – jiġifieri l-grupp ta’ pajjiżi bl-ikbar kapaċità produttiva: Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja u l-Isvezja – għall-kuntrarju tal-intenzjonijiet preċedenti, għad ma ressqu l-ebda proposta fattibbli għar-razzjonalizzazzjoni jew il-konsolidazzjoni.

2.4

L-istaġnar wassal għal approċċi nazzjonali u enfasi fuq il-produzzjoni nazzjonali. Hemm ċerta rinazzjonalizzazzjoni. Kumpaniji industrijali bbażati fl-Ewropa lkoll qed jiffukaw fuq is-swieq tal-esportazzjoni. Ma hemmx kunċett strateġiku komuni, la fost il-gvernijiet u lanqas fost l-imsieħba industrijali.

2.5

Sadanittant, sfidi ġodda ser jaffettwaw dejjem iżjed is-swieq potenzjali. Sfida enormi hija l-iżvilupp tal-armamenti fl-ekonomiji l-ġodda. Iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Brażil (il-pajjiżi BRIC), segwiti minn pajjiżi iżgħar, qegħdin fi triqithom. Il-baġit tad-difiża taċ-Ċina huwa mistenni li jiżdied minn EUR 120 biljun attwalment għal EUR 250 biljun sal-2015. Ir-Russja ħabbret żieda enormi fil-baġit tad-difiża tagħha minn isa sal-2015. L-Istati Uniti jonfoq iżjed mid-doppju tal-baġit Ewropew globali: EUR 450 biljun v. EUR 204 biljun fl-2007 u l-baġit Ewropew qed jinxtorob dejjem iżjed. Il-baġit globali tar-R&Ż, l-iżjed l-iżjed, huwa 20 % ta’ dak Amerikan. 50 % tal-baġit Ewropew tad-difiża jintefqu fuq il-persunal, mentri fl-Istati Uniti jintefqu 25 % tal-baġit. L-Ewropa għandha iżjed persuni fl-armata, iżda huma attrezzati ferm inqas. Il-kundizzjonijiet dinjin qatt mhu ser ikunu kif kienu qabel. Iż-żmien mhux favurina.

2.6

Matul dawn l-aħħar deċennji, ħafna studji rrakkomandaw li l-industrija tad-difiża tiġi adattata għas-suq globali. Dawn ilkoll jagħtu xhieda ta’ problemi fit-tul, għax is-swieq tad-difiża huma imperfetti ħafna, u nsibu li l-biċċa l-kbira tal-Istati qed ikomplu jappoġġjaw l-industrija “tagħhom”. It-tentattivi għat-titjib tas-swieq, bħall-Pakkett tad-Difiża tal-UE tal-2007, għandhom l-għan li jegħlbu xi wħud min-nuqqasijiet tas-suq u prattiki nazzjonali diverġenti.

2.7

Il-kwistjonijiet preżenti huma kumplessi, parzjalment minħabba t-tul ta’ żmien eċċessiv mill-istadju tat-tfassil tal-prodotti sa meta jibdew jitħaddmu. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li approċċ wiesa’ minn perspettiva teknoloġka, ekonomika u soċjali ikun mod iżjed adatt biex jiġi diskuss dan il-qasam minn sempliċement jiġi eżaminat minn perspettiva ta’ difiża.

2.8

Punt prinċipali huwa d-differenza fil-kunċetti strateġiċi bejn il-pajjiżi b’industrija konsiderevoli tal-armamenti, b’mod partikolari rigward id-definizzjoni ta’ “interess essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali”, u r-relazzjoni bejn is-sigurtà nazzjonali u s-swieq tal-esportazzjoni. Xi wħud mill-pajjiżi iżjed żgħar għandhom industrija żviluppata mhux ħażin, filwaqt li oħrajn prattikament m’għandhom l-ebda sit tal-produzzjoni. Huwa ċar li l-approċċi tal-pajjiżi kollha jvarjaw skont il-ħtiġijiet u l-potenzjal tagħhom. Ir-riżultat huwa frammentazzjoni u viżjoni varjata ħafna tal-industrija tad-difiża. L-operazzjonijiet bħal dawk fil-Libja joħorġu fid-dieher b’mod ċar ħafna d-disparitajiet dejjem akbar fis-sistemi disponibbli tal-armamenti. Il-konsegwenzi għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod ċar u vvalutati.

2.9

Dawn l-iżviluppi jikkonċernaw kemm l-investimenti kif ukoll l-impjieg. L-industrija tad-difiża hija settur ta’ teknoloġija avvanzata li jimpjega b’mod dirett 600 000 persuna kkwalifikata u, b’mod indirett, żewġ miljun persuna oħra. Hemm pressjoni inkwetanti għal iżjed tnaqqis. Ta’ spiss, is-siti tal-produzzjoni jkollhom konċentrazzjonijiet reġjonali qawwija li jistgħu jsiru ċentri ta’ eċċellenza iżda li, għall-kuntrarju, huma fil-periklu li jintlaqtu minn tnaqqis finanzjarju. Dawn is-siti ser ibatu ħafna jekk ir-riorganizzazzjoni u t-tnaqqis isiru b’mod mhux ippjanat u mingħajr struttura.

2.10

Naturalment, l-impjieg attwali jirrappreżenta preokkupazzjoni prinċipali għall-gvernijiet individwali wkoll. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jxekkel l-iżvilupp ta’ viżjoni komuni li hija meħteġa biex tindirizza kif imiss il-konsegwenzi soċjali ta’ industrija tad-difiża iżjed dgħajfa, inkluż it-telf ta’ għarfien speċjalizzat u l-effetti ta’ dan fuq il-kapital uman. Għall-kuntrarju, viżjoni komuni tiffavorixxi ħolqien ibbilanċjat tal-impjiegi u tevita r-riskju li r-riċerkaturi, l-ispeċjalisti tekniċi u dawk bi kwalifiki għoljin fix-xjenza jitilqu lejn pajjiżi terzi peress li dan imur kontra l-għanijiet li l-UE trid tilħaq bl-istrateġija Ewropa 2020.

2.11

L-approċċi tal-UE u l-qafs intergovernattiv jistgħu u għandhom jaħdmu fl-istess perspettiva. Ġaladarba tinżamm is-sovranità nazzjonali, il-kontribut ta’ kwalunkwe qafas komuni jagħti frott limitat, bi ftit li xejn titjib fir-rigward tal-kapaċità żejda, id-dupplikazzjonijiet u l-frammentazzjoni. Il-kontradizzjonijiet bejn il-filosofija tas-sovranità nazzjonali, minn naħa, u l-ħtiġijiet finanzjarji, teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali min-naħa l-oħra huma evidenti.

2.12

Għalhekk, huwa inkwetanti li l-għan ta’ “ħidma komuni u ta’ skambju”, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ interdipendenza Ewropea ma ssarrafx f’termini ta’ strateġija komuni. Minkejja li jeżisti għarfien wiesa’ rigward il-bidla fil-kuntest internazzjonali, mid-dehra, il-pressjoni minn barra għad mhijiex qawwija biżżejjed għall-promozzjoni ta’ approċċi u soluzzjonijiet komuni. Hija ħaġa ta’ stagħġib li, għall-kuntrarju, il-pajjiżi Ewropej għad għandhom ir-rieda jibqgħu dipendenti mill-Istati Uniti fil-qasam tal-akkwist tad-difiża minflok ix-xiri fl-Ewropa.

2.13

Jekk l-Ewropa tixtieq li jibqa’ jkollha industrija soda tas-sigurtà u d-difiża, li tkun kapaċi tiżviluppa u tipproduċi sistemi avvanzati, u b’hekk tiżgura s-sigurtà tagħha stess, hemm bżonn ta’ bidla radikali fil-mentalità u l-politiki. Jekk ikun hemm iżjed dewmien, il-kapaċitajiet jibdew jonqsu b’rata iżjed mgħaġġla u jisfaw f’livelli tant baxxi li l-UE ma tkunx tista terġa’ ssib ruħha fil-quċċata f’oqsma importanti ħafna. Dan ikun iżjed diffiċli peress li t-tnaqqis fl-infiq relatat mar-R&Ż jaffettwa b’mod dirett ġenerazzjoni ta’ riċerkaturi u impjegati kkwalifikati. Jekk l-Ewropa ma jirnexxilhiex, l-industriji jistgħu jgħibu, l-impjiegi jintilfu u l-għarfien jisfa fix-xejn, u l-Ewropa tispiċċa taħt il-ħakma ta’ oħrajn. Jinħtieġu sens ta’ urġenza u azzjoni fost dawk minna li għandhom għal qalbhom l-Ewropa u s-sigurtà Ewropea.

3.   Il-kuntest politiku

3.1

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ġustament jenfasizza r-rabta profonda bejn il-politika estera u dik tas-sigurtà u d-difiża. Politika estera effettiva trid tissejjes fuq kapaċitajiet konvinċenti ta’ difiża. Kapaċitajiet adegwati ta’ difiża, min-naħa tagħhom, għandhom jitfasslu u jiġu żviluppati fid-dawl tat-theddid perċepit u l-għanijiet li ntlaħaq ftehim dwarhom f’kuntest internazzjonali kumpless u fraġli ħafna.

3.2

L-iżjed fattur ċentrali huwa l-pożizzjoni u r-rwol tal-UE fid-dinja tal-ġejjieni, fid-dawl tat-tibdil rapidu fiċ-ċirkustanzi ġeopolitiċi li fihom qed jinħoloq numru dejjem ikbar ta’ atturi dinjin. Minn din il-perspettiva, il-KESE huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li jkun hemm sforz konġunt fl-Ewropa. L-esperjenza tal-passat u dik reċenti tagħti xhieda li t-tkomplija tal-approċċi tradizzjonali twassal għall-periklu li l-Ewropa u l-Istati Membri jingħataw il-ġenb u ma jibqgħux fuq quddiem nett f’dan il-qasam.

3.3

Il-KESE jitlob għal futur stabbli u prevedibbli għall-forzi armati Ewropej, kif jistħoqqlu l-piż ekonomiku u teknoloġiku attwali tal-Ewropa. Iż-żmien estremament twil li jgħaddi mit-tfassil tas-sistemi sakemm jitpoġġew onlajn isaħħaħ il-bżonn li d-deċiżjonijiet jibdew jittieħdu minn din is-sena.

3.4

Minn perspettiva soċjali u politika, il-KESE jenfasizza erba’ aspetti importanti dwar il-bżonn ta’ kapaċitajiet effettivi fil-qasam tad-difiża Ewropea.

il-protezzjoni tal-popolazzjoni

il-bżonn ta’ suldati armati kif imiss

impjiegi stabbli u prevedibbli

azzjonijiet umanitarji u militari Ewropej użati f’livell dinji li jkunu mfasslin tajjeb.

3.5

Hemm dibattitu għaddej dwar il-ġejjieni tal-PSDK, għalkemm qajla ssir referenza għaliha f’dawn it-termini. Ħafna suġġetti bħall-użu tal-gruppi tal-battalja, il-kontroversja dwar l-iżvilupp ta’ kwartieri ġenerali operattiv wieħed, il-finanzjament tal-missjonijiet tal-UE relatati mal-PSDK, it-tiftix ta’ kontribuzzjonijiet għal dawn il-missjonijiet u t-talbiet għal reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà huma lkoll diskussjoni dwar il-PSDK, biss mhumiex imsejħa bħala tali. Ikun pass ’il quddiem jekk navviċinaw is-suġġett b’dan il-mod. Barra minn hekk, f’kull diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet importanti, l-implikazzjonijiet industrijali tad-deċiżjonijiet (jew in-nuqqas ta’ deċizjonijiet) għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Dan jagħti prova wkoll tar-rabta b’saħħitha bejn il-kapaċitajiet industrijali u l-implimentazzjoni ta’ PSDK. Ir-responsabbiltà ewlenija hija tal-gvernijiet.

3.6

Ir-relazzjoni TransAtlantika u n-NATO huma ta’ importanza kritika. Għal bosta snin, l-Amerikani kkritikaw il-mod li bih l-Ewropej jieħdu ħsieb l-obbligi tagħhom relatati mad-difiża fi ħdan l-Alleanza. Jeżisti appell kontinwu fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku għal “pilastru Ewropew” fin-NATO. Sal-lum il-ġurnata, kien qed jiġri l-kuntrarju.

3.7

In-nuqqas ta’ “pilastru Ewropew” kif imiss għandu għeruq politiċi profondi. Fl-Ewropa, għad ma hemmx biżżejjed rieda politika biex jiġu definiti interessi “strateġiċi” Ewropej jew kapaċitajiet militari prinċipali komuni. Għall-kuntrarju, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra jużaw il-kunċett ta’ attivitajiet strateġiċi, li jħaddnu kull tip ta’ riċerka u industrija li jikkontribwixxu għas-sigurtà globali taċ-ċittadini tagħhom, kemm jekk ċivili kif ukoll militari.

3.8

F’dan il-kuntest, il-KESE huwa tal-fehma li jekk jinħoloq “pilastru Ewropew”, id-dipendenza eċċessiva tal-kapaċitajiet militari Ewropew mill-Istati Uniti jkollha tiġi sostitwita minn relazzjoni iżjed bilanċjata. Flimkien ma’ diskussjoni – li hemm bżonnha serjament – dwar interessi strateġiċi Ewropej komuni, li hija r-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet, għandu jibda mill-iżjed fis possibbli proċess galbat ta’ ppjanar permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-industriji tad-difiża kif ukoll reviżjoni gradwali tal-attitudni tal-Ewropej li awtomatikament jixtru prodotti disponibbli fis-suq mill-Istati Uniti.

3.9

Ikun tajjeb, kemm minn perspettiva industrijali kif ukoll minn dik finanzjarja, li l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni industrijali mal-industriji fl-Istati Uniti jkunu iżjed bilanċjati.

4.   L-industrija Ewropea tad-difiża

4.1

Hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-politiki esteri u ta’ difiża/sigurtà u l-industriji tad-difiża. Minkejja l-privatizzazzjoni, il-gvernijiet għandhom interess kbir fl-industrija tad-difiża bħala klijenti, regolaturi u fornituri ta’ liċenzji tal-esportazzjoni.

4.2

L-industrija tad-difiża għandha lok sostanzjali għall-immanuvrar fis-swieq tal-esportazzjoni. Dan huwa parzjalment dovut għall-privatizzazzjoni, u parzjalment għall-inkoraġġiment mill-gvernijiet: il-kriżi ekonomika qed tibdel ċerti ministri tad-difiża fi promoturi espliċiti tal-esportazzjoni. Huwa x’inhu l-każ, il-kriżi qed iġġiegħel is-settur tad-difiża jikkunsidra l-esportazzjonijiet bħala element ċentrali tal-mudelli kummerċjali tagħhom. B’mod ġenerali, l-2011 kienet sena li ħalliet ħafna qligħ għall-industriji Ewropej. L-intrapriżi pjuttost għamlu suċċess ukoll fl-iżvilupp ta’ produzzjoni “b’użu doppju”.

4.3

Atturi dinjin bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil għandhom l-ambizzjonijiet politiċi esteri tagħhom, u dan iwassal għal żieda fil-baġits tad-difiża. Attwalment, dan jidher li qed joħloq opportunitajiet għall-esportazzjonijiet Ewropej. Kemm ser iddum din is-sitwazzjoni? L-industrija għada sejra pjuttost tajjeb, imma l-prestazzjoni tagħha tiddependi l-iżjed mill-investimenti li saru madwar 20 jew 25 sena ilu. Jekk bħalissa l-investimenti jitnaqqsu jew jiġu staġnati iżjed, dan ser ikollu konsegwenzi irreversibbli fil-futur qarib.

4.4

Barra minn hekk, hija ħaġa realistika li nistennew li s-setgħat emerġenti ser jibdew jibnu l-industrija tagħhom indipendentement mill-industriji tal-Punent, u, għaldaqstant, li dawn, bħala l-kompetituri futuri tal-Ewropa fis-swieq tal-pajjiżi terzi, ser jibblukkaw dejjem iżjed l-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Punent jew jorbtuhom ma’ ċerti kundizzjonijiet.

4.5

Attwalment, ma hemm l-ebda programm prinċipali fl-Ewropa li appik jibda, u dan, indubbjament, ser jaffettwa s-suċċess tal-esportazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, ilu ftit mhux ħażin minn mindu kwalunkwe pajjiż emerġenti prinċipali kellu bżonn livell sostanzjali ta’ trasferiment tat-teknoloġija u tal-produzzjoni f’pajjiżu.

4.6

Wisq probabbli, il-kuntratti għal esportazzjonijiet ta’ darba waħda biss ser jintużaw biex tiġi kkupjata t-teknoloġija mill-industriji tal-Punent. Għal dawn, waħda mis-soluzzjonijiet alternattivi biex ma jiġux ibblukkati l-importazzjonijiet tista’ tkun dik li jitwaqqfu faċilitajiet ta’ produzzjoni (u żvilupp) fil-pajjiżi kkonċernati. Attwalment, din hija iżjed kwistjoni ta’ spekulazzjoni dwar kemm żvilupp bħal dan ser jaffettwa l-faċilitajiet u l-opportunitajiet tax-xogħol fl-Ewropa. Fuq perjodu twil ta’ żmien, huwa probabbli li l-pożizzjoni tal-industrija Ewropea tiddgħajjef minħabba l-pajjiżi emerġenti l-kbar. It-tisħiħ fit-teknoloġija u l-produzzjoni f’dawn il-pajjiżi ser jaffettwa wkoll is-swieq (potenzjali) Ewropej tal-esportazzjoni f’pajjiżi terzi oħra. Il-kompetizzjoni marbuta mal-prodotti u l-prezzijiet ser tiħrax.

4.7

Minħabba d-dewmien sostanzjali fl-iżvilupp u l-produzzjoni, kif ukoll l-investimenti teknoloġiċi u l-innovazzjoni kontinwa, l-Ewropa teħtieġ koordinazzjoni mmirata biex tiżgura industrija tad-difiża moderna u awtonoma. Sakemm id-daqs tas-swieq ikun iddeterminat l-iżjed mill-fruntieri nazzjonali, ikun kważi awtomatikament taħt il-massa kritika, anke fi Stati Membri kbar. L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tista’ ttaffi dan sa ċertu punt, iżda l-ġejjieni huwa inċert, filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-swieq huma ta’ spiss ’il bogħod milli jkunu stabbli.

4.8

Il-fatt li l-baġits qed ikomplu jonqsu, li fiċ-ċirkustanzi attwali jimplika limitazzjonijiet konsiderevoli, għandu jservi ta’ tbesbisa f’waqtha. Jaffettwaw il-baġits għall-investiment u l-akkwist, ċertament meta l-ispejjeż operazzjonali u dawk marbuta mal-manutenzjoni jibqgħu fl-istess livell jew jiżdiedu minħabba operazzjonijiet militari li jkunu għaddejjin (l-Afganistan, il-Libja u l-operazzjonijiet kontra l-piraterija, biex insemmu ftit eżempji).

4.9

Dan iwassal biex jiġu posposti jew saħansitra kkanċellati investimenti li huma kruċjali għall-industrija biex jiġu żgurati l-manutenzjoni u t-tiġdid tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-iżvilupp. Barra minn hekk, fi żminijiet diffiċli l-industrija nnifisha ser iżżomm lura milli tinvesti f’tali manutenzjoni jew f’attivitajiet ġodda. L-investimenti meħtieġa jistgħu jiġu żgurati biss jekk issir ħidma bi sħab b’mod koerenti.

4.10

Il-KESE jirrakkomanda politika industrijali Ewropea mfassla tajjeb għas-settur tad-difiża, mit-tfassil tas-sistemi sal-fażi operazzjonali. Din hija kwistjoni ta’ politika industrijali speċifika. Min-natura tagħha stess hija suq pubbliku: ir-R&Ż għandhom jiġu ffinanzjati lil hinn mill-kapital tal-bidu minħabba marġnijiet mhux profittabbli fil-bidu u minħabba rekwiżiti speċifiċi min-naħa tal-gvern. Jeħtieġ li jiġu identifikati l-kapaċitajiet industrijali prinċipali tal-Ewropa kif ukoll il-politiki tal-investiment bil-għan li titħeġġeġ produzzjoni Ewropea soda. Peress li l-ebda pajjiż ma għandu biżżejjed riżorsi biex jiffinanzja armamenti tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”, jeħtieġ li jingħaqdu flimkien l-għanijiet nazzjonali u Ewropej kif ukoll ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej, kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll minn dak industrijali. Il-governanza għandha tissejjes fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 li kien hemm qbil dwarha. Din hija wkoll tikketta effettiva biex ikun hemm l-aqwa koordinazzjoni possibbli bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u fi ħdan il-Kummissjoni, li għadha tiffunzjona ferm inqas mill-potenzjal tagħha. F’dan ir-rigward, it-Task Force li ser jibda dalwaqt bħala pjttaforma – il-Kummissjoni, l-EDA u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) – biex jiddiskuti l-prijoritajiet, il-kapaċitajiet u l-lakuni, jista’ jipprovdi appoġġ siewi.

4.11

Ir-R&Ż huma tema ċentrali. L-industrija tad-difiża hija attività industrijali b’teknoloġija avvanzata u b’għarfien intensiv, li hemm bżonnha wkoll għall-iżvilupp ta’ prototip komplet. Ir-R&Ż kważi qatt ma jistgħu jkunu fil-kompetenza esklużiva tal-industrija biss. Iċ-ċikli tal-ħajja tal-iżvilupp u tas-sistemi huma sempliċement twal wisq, u l-impatt finanzjarju kbir wisq biex l-industrija tkun tista’ ġġarrab ir-riskji finanzjarji kollha. L-istorja tagħti xhieda li l-programmi kollha li jirnexxu jitwettqu bil-kooperazzjoni tal-gvernijiet u l-industrija.

4.12

Persentaġġ għoli ħafna tar-R&Ż fil-qasam tad-difiża fid-dinja jiġi mill-gvernijiet, jew direttament inkella indirettament permezz tax-xiri. Xejn mhuwa sorprendenti li, b’mod ġenerali, l-industriji tad-difiża qed jevitaw riskji finanzjarji eċċessivi fid-dawl tan-natura tal-prodotti. Ir-R&Ż fil-qasam tad-difiża huma partikolarment vulnerabbli fejn jidħol it-tnaqqis min-naħa tal-gvernijiet.

4.13

Għalhekk, minbarra l-konsolidazzjoni industrijali, hemm bżonn ta’ biżżejjed fondi u kondiviżjoni li dwarhom intlaħaq ftehim fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-industrija, għar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp. L-investimenti fid-difiża jitolbu livell għoli ta’ finanzjament għar-R&Ż u l-proġetti teknoloġiċi. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat l-aċċess għat-teknoloġiji kritiċi. Jekk it-teknoloġiji kritiċi għall-iżvilupp u l-produzzjoni ma jibqgħux aċċessibbli minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet imposti minn oħrajn, jinqalgħu problemi serji biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà.

4.14

Ir-R&Ż lil hinn mill-organizzazzjonijiet tad-difiża jaqdu rwol dejjem iżjed importanti minħabba l-progress li jsir fl-oqsma tat-teknoloġija u x-xjenza indipendenti f’bosta oqsma. Sikwit, huwa biss fl-aħħar fażijiet tal-iżvilupp li l-applikazzjoni finali tiddetermina jekk ir-R&Ż jistgħux jiġu identifikati bħala R&Ż fil-qasam tad-“difiża” jew dak “ċivili”. L-importanza tar-R&Ż “b’użu doppju” qiegħda kulma jmur tiżdied fil-qasam tal-applikazzjonijiet tad-difiża, pereżempju fl-IT. Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) tistimula l-“użu doppju” tar-R&Ż, b’mod partikolari peress li b’hekk jiġi żgurat finanzjament lil hinn mill-komunitajiet tad-difiża.

4.15

Għandu jintlaħaq qbil fost l-Istati Membri dwar il-fondi pubbliċi fil-qasam tar-R&Ż fil-livell tal-UE. Jista’ jsir permezz tat-Tmien Programm Qafas (FP8) li jmiss jew permezz ta’ fond separat, preferibbilment permezz ta’ pakketti ta’ oqsma ta’ riċerka avvanzata, pereżempju n-nanoteknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali. Għandhom jiġu ppjanati proċeduri speċjali fid-dawl tar-relazzjoni bejn l-industrija tad-difiża u s-settur pubbliku.

4.16

L-EDA u l-Kummissjoni għandhom jaqdu rwol prominenti kif previst fil-Qafas Ewropew għall-Kooperazzjoni, anke biex tiġi evitata l-interferenza politika ta’ kuljum. L-EDA għandha tingħata l-opportunità taqdi r-rwol sħiħ tagħha kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona (7).

4.17

Forza tax-xogħol adatta b’ħiliet moderni hija kruċjali għal programm industrijali u ta’ R&Ż għad-difiża (8). Dan huwa argument sod ieħor għal qafas stabbli għar-R&Ż u l-industrija minflok ristrutturar diżorganizzat. Jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li l-forzi tax-xogħol tad-difiża huma s-sisien li fuqhom jinbena l-ġejjieni tal-kapaċitajiet tad-difiża. Il-konsultazzjoni tal-industrija u l-komunikazzjoni magħha, l-istituti tar-R&Ż, l-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet militari u t-trejdunjins ikkonċernati għandhom jiżguraw li kemm ir-ristrutturar li għaddej kif ukoll il-produzzjoni progressista tal-armamenti fl-Ewropa jkunu organizzati kif suppost.

4.18

Ir-restrizzjonijiet baġitarji jitolbu li jiġu indirizzati x-xogħol ripetut u l-ineffettività. Il-konsolidazzjoni kkontrollata mhijiex neċessarjament ekwivalenti għall-ħolqien ta’ intrapriżi kbar. Tfisser il-bini ta’ biżżejjed massa kritika u kwalità skont standards internazzjonali li jiżguraw pożizzjoni kompetittiva fis-swieq domestiċi u l-pajjiżi terzi. Qed issir dejjem iżjed meħtieġa l-koordinazzjoni tal-ippjanar ta’ proġetti fil-livell Ewropew mill-gvernijiet, l-atturi rilevanti fil-livell tal-UE u l-industrija.

4.19

Id-differenzi fid-daqs u fl-attività ġġenerata mill-industriji huma fatt. L-Istati Membri jvarjaw ħafna fl-importanza industrijali tagħhom. Parti mill-ftehim fost il-pajjiżi parteċipanti għandha tiffoka fuq li jiġi żgurat li l-industriji fil-pajjiżi LoI (= il-produtturi ewlenin) ikunu konnessi ma’ proġetti rilevanti. Dan l-approċċ mhux biss huwa mixtieq mil-lat politiku, iżda jippromovi wkoll relazzjoni siewja bejn l-intrapriżi ż-żgħar u dawk kbar kif ukoll l-istituti ta’ riċerka. Bħala fornituri, l-SMEs għandhom isaħħu l-katini ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti b’suċċess.

4.20

Tinħtieġ attenzjoni speċifika għal vulnerabbiltà perċeputa f’pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali minħabba l-pożizzjoni ġeografika esposta tagħhom. Fid-dawl kemm tal-bżonn li ċ-ċittadini f’dawn il-pajjiżi jħossuhom protetti tajjeb kif ukoll tax-xewqa li jsir użu sħiħ mill-għarfien tekniku speċifiku fil-qasam tad-difiża, il-KESE jenfasizza l-bżonn ta’ integrazzjoni adatta tal-għarfien u l-kompetenzi disponibbli fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali fi proġetti ta’ difiża li għaddejjin bħalissa u dawk futuri.

4.21

Suq Ewropew integrat għall-prodotti tad-difiża joħloq suq domestiku iżjed stabbli. Minbarra li jikkombina swieq nazzjonali eżistenti, suq Ewropew iħeġġeġ l-armonizzazzjoni jew saħansitra l-istandardizzazzjoni tar-rekwiżiti u r-regoli tal-akkwist bejn l-Istati Membri differenti. Livell ogħla ta’ armonizzazzjoni jew standardizzazzjoni jtejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li jsaħħu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej f’suq dinji.

4.22

Suq Ewropew tad-difiża jkollu massa kritika. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi dannużi meta l-Istati Membri jkomplu jixtru prodotti disponibbli fis-suq minn pajjiż barrani, b’mod partikolari l-Istati Uniti. L-ewwel nett, dan inaqqar mill-vantaġġi ta’ suq Ewropew għall-industrija; għalhekk, il-prezzijiet ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti tad-difiża jogħlew għall-klijenti Ewropej tagħhom, jekk l-industrija ma titħalliex tbigħ fi swieq ta’ pajiżi terzi fejn il-kompetizzjoni (statali) żgur tiħrax. It-tieni nett, il-pajjiżi Ewropej li jixtru prodotti disponibbli fis-suq mill-Istati Uniti jħallsu wkoll l-ispejjeż teknoloġiċi Amerikani li huma inklużi fil-prezz ta’ dawn il-prodotti.

4.23

Fid-dawl tal-perspettivi finanzjarji u politiċi internazzjonali, huma indispensabbli dibattitu Ewropew fundamentali u konklużjonijiet operazzjonali. Jekk mhux l-Istati Membri kollha huma lesti jipparteċipaw f’qafas komuni, għandu japplika l-prinċipju tal-“kooperazzjoni msaħħa”. Livell ogħla ta’ integrazzjoni u attitudni pożittiva fil-konfront ta’ xiri Ewropew huma l-uniku mod li bih nistgħu nqarrbu lejn swieq li d-daqs tagħhom jixbah lil dawk fl-Istati Uniti. Mingħajr suq domestiku effettiv, hemm lok għal dubji serji dwar jekk l-industrija Ewropea għandhiex il-possibbiltà li tikkompeti f’livell dinji.

5.   Xi kwistjonijiet speċifiċi

5.1

L-ambitu industrijali tal-forzi armati differenti – tal-art, il-baħar u l-ajru – ivarja sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. F’għadd ta’ oqsma, l-ebda pajjiż ma għad jista’ jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jiżviluppa ġenerazzjonijiet ġodda ta’ armamenti waħdu.

5.2

Fis-settur tal-art, numru limitat biss ta’ intrapriżi kbar li ħadmu fil-qasam tal-integrazzjoni tas-sistemi għandu l-kapaċità jiżviluppa u jipproduċu MBTs (Main Battle Tanks) u vetturi militari eħfef. Il-produtturi Ewropej ewlenin qegħdin Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Hemm firxa wiesgħa ta’ produtturi ta’ sottosistemi u fornituri tat-tielet livell li mhumiex rappreżentati biżżejjed mill-Ewropa Ċentrali.

5.3

Ħafna pajjiżi jiżviluppaw l-industrija navali “proprja” tagħhom, u jibnu bastimenti navali li jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor fejn jidħlu d-daqsijiet u l-kumplessità. In-nazzjonijiet LoI u l-Pajjiżi l-Baxxi qegħdin fuq quddiem nett, anke fil-qasam tad-disinn tal-kunċetti u faċilitajiet kumplessi għar-riċerka navali li huma pjuttost differenti mill-iżvilupp tal-bini ta’ bastimenti ċivili. Hawnhekk ukoll insibu firxa wiesgħa ta’ produtturi ta’ sottosistemi u fornituri tat-tielet livell.

5.4

L-inġenji militari tal-ajru huma żviluppati u prodotti fi ftit pajjiżi biss. L-industrija hija kkonċentrata f’għadd żgħir ta’ intrapriżi, l-iżjed dawk multinazzjonali, li joperaw f’livell Ewropew u lil hinn minnu. L-industrija hija ffukata l-iżjed fuq l-EADS, BAE Systems, Dassault u Saab-Aircraft. Ir-riċerka dwar l-ajrudinamika avvanzata hija limitata għal ftit pajjiżi biss.

5.5

Is-settur elettroniku, inklużi s-sistemi ta’ kmand, kontroll u komunikazzjoni, qed iżid fl-importanza għall-qasam tad-difiża, u nsibu operaturi industrijali kbar bħal Thales, BAE Systems u Finmeccanica. Id-difiża mhix daqstant importanti għall-ikbar gruppi industrijali Ewropej fis-settur elettroniku – Philips u Siemens. F’kull każ, għal dawn il-produtturi, il-volum ta’ produzzjoni għal produzzjoni massiva kosteffettiva ta’ komponenti elettroniċi speċifiċi, bħaċ-ċirkwiti integrati għad-difiża, huwa żgħir wisq. Iżda, il-fatt li dawn il-gruppi industrijali kbar jiġu involuti jenfasizza l-importanza tal-użu doppju f’dan il-qasam.

5.6

Rigward il-munizzjon u l-isplużivi, in-numru tal-industriji naqas b’mod gradwali f’dawn l-aħħar deċennji, u parti mit-tort huwa tar-restrizzjonijiet ambjentali. Is-sigurtà pubblika ġġiegħel lil dawn it-tipi ta’ industriji jew jieħdu s-siti tal-produzzjoni tagħhom inħawi oħra inkella sempliċement jagħlquhom.

5.7

L-aċċess għat-teknoloġiji kritiċi huwa essenzjali, u għandu jiġi appoġġjat fil-qafas tal-PSDK. L-istess jgħodd għal ċerti materjali bħall-fibri tal-karbonju jew il-materjali għall-komponenti elettroniċi.

5.8

Il-Pakkett tad-Difiża tal-2007, adottat fl-2009, jista’ jkun ta’ appoġġ siewi. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-direttivi fis-sajf tal-2011. Għadu kmieni wisq biex inkunu pożittivi jew xettiċi dwar l-effetti sekondarji tagħhom biex joħolqu suq intern. Il-proċess għadu ma ġiex finalizzat u għad trid isseħħ l-implimentazzjoni tal-għan ta’ trasferiment inter-Komunitarju tal-prodotti tad-difiża kif ukoll ta’ kunċetti bħal interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali.

5.9

L-Artikolu 36 tat-TFUE jipprovdi deroga mil-liġijiet tal-akkwist tal-UE għall-protezzjoni ta’ interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali. Din il-formulazzjoni wiesgħa tista’ xxekkel żviluppi kif imiss tas-suq, b’mod partikolari fi ktajjen mixtieqa ta’ provvista. Il-KESE jissuġġerixxi interpretazzjoni iżjed speċifika tal-Artikolu 346 li tiftaħ opportunitajiet biżżejjed għal soluzzjonijiet Ewropej u l-aqwa ktajjen Ewropej ta’ provvista possibbli, bil-għam li jitrawmu s-sigurtà tal-provvista, l-ispeċjalitajiet disponibbli fl-Istati Membri u offerti ekonomikament vantaġġużi.

5.10

Is-sigurtà nazzjonali tal-informazzjoni tikkawża problemi simili bħal dawk imsemmijin fil-punt 5.9 u għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid ukoll. Hija wkoll kwistjoni importanti u delikata fil-parteċipazzjoni tal-industriji Ewropej fi proġetti tad-difiża fl-Istati Uniti.

5.11

Il-“ġbir flimkien u l-kondiviżjoni”, inklużi l-programmi komuni ta’ taħriġ, għandu jkun programm li jħares ’il quddiem. Kundizzjoni bażika hija li l-kliem fieragħ jiġi sostitwit minn ippjanar konkret u approċċ immirat b’passi identifikati b’mod ċar. Iżda, sakemm ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar prinċipji ta’ difiża ser ikun diffiċli ħafna li dan il-proċess ta’ “ġbir flimkien u kondiviżjoni” isir b’mod fattibbli.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara “ ‘Towards a Stronger Europe’, A Report by an Independent Study Team established by Defence Ministers of Nations of the Independent European Programme Group to make proposals to improve the competitiveness of Europe’s defence equipment industry”.

(2)  Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni hija parti integrali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, TUE Artikolu 42 et seq. ĠU C 115, 09.05.2008.

(3)  Direttivi 2009/43/KE (ĠU L 146, 10.06.2009) u 2009/81/KE (ĠU L 216, 20.08.2009). Il-Pakkett tad-Difiża kien adottat mill-Kunsill u l-PE fl-2009. Kellu jkun traspost mill-Istati Membri fis-sajf tal-2011. Il-Pakkett tad-Difiża kien jinkludi wkoll Komunikazzjoni dwar “Strateġija għal industrija tad-difiża Ewropea aktar b’saħħitha u kompetittiva”, COM(2007) 764, 05.12.2007.

(4)  Il-Fondi Ewropej għandhom jiġu involuti fil-proċess: it-8 Programm Qafas li jmiss, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew.

(5)  Stat tal-Unjoni, Novembru 2011.

(6)  Riżoluzzjoni tal-PE tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE (2011/2177(INI).

(7)  Ara Artikolu 45(1) u Artikolu 42(3) tat-TUE, ĠU C 115, 09.05.2008.

(8)  Ara “A comprehensive analysis of emerging competences and skill needs for optimalpreparation and management of change in the EU defence industry”, Rapport finali, Mejju 2009, rapport minn Eurostrategies għall-Kummissjoni Ewropea.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intraprendituri nisa — politiki speċifiċi favur it-tkabbir u l-impjieg fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/05

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-intraprendituri nisa – politiki speċifiċi favur it-tkabbir u l-impjieg fl-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’121 vot favur 7 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fl-Ewropa

1.1   Din l-opinjoni tressaq erba’ proposti konkreti ewlenin għal interventi politiċi favur il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-intraprenditorija femminili sabiex jissaħħaħ it-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa. Hija tiffoka biss fuq l-intraprenditorija femminili u ma tindirizzax id-dimensjoni usa’ tal-involviment tan-nisa fis-suq tax-xogħol jew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.2   Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika jinvolvu xi nfiq, iżda l-investiment żgħir meħtieġ mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jiġi bbilanċjat u kkumpensat mill-qligħ fuq l-investiment mill-benefiċċju ekonomiku miżjud li jirriżulta miż-żieda ta’ intrapriżi b’sidien nisa fl-ekonomija u mill-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan dawn il-kumpaniji. Sabiex dawn l-għanijiet jingħataw aktar appoġġ, wieħed jista’ jargumenta wkoll li l-fondi jistgħu jiġu rilokati minn proġetti b’impatt baxx.

1.3   Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika ma jeħtiġux strutturi ġodda u jistgħu jiġu integrati f’ministeri attwali għall-iżvilupp ekonomiku, iżda m’għandhomx jitwaqqfu f’ministeri li jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-sessi, minħabba li l-intraprenditorija femminili hi kwistjoni “ekonomika”.

1.4   Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ evidenza ta’ ritorn fuq l-investiment mir-riżultati ta’ azzjonijiet simili fl-Istati Uniti, fejn qed nitkellmu dwar l-irduppjar tal-għadd ta’ intraprendituri nisa, żieda fl-impjiegi maħluqa u kontribut ekonomiku għas-soċjetà. Kien l-element obbligatorju tal-ġbir tad-data u tal-politika tal-akkwist li kellu l-ikbar effett (1).

1.5   Jinħoloq uffiċċju tas-Sjieda ta’ Negozji minn Nisa Ewropej fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-ministeri kompetenti (mhux il-ministeri li jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-sessi sabiex ikun hemm distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u r-responsabbiltajiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi) fil-livell tal-Istati Membri, mingħajr ma jitwaqqfu strutturi kompletament ġodda.

1.6   Jinħatar Direttur/Mibgħut Speċjali/Rappreżentant Għoli għall-Intrapriżi tan-Nisa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-ministeri għall-intrapriżi tal-Istati Membri, bi rwol mifrux fid-dipartimenti għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ekonomiċi li aktar nisa jitħeġġu jibdew u jkabbru n-negozji.

1.7   Il-ġbir ta’ data u l-ħolqien ta’ aġġornamenti annwali dwar il-politika u r-riċerka dwar l-intrapriżi tan-nisa fir-reġjuni Ewropej kollha, jittejjeb l-aċċess għal data kklassifikata skont is-sess fid-dipartimenti governattivi u l-aġenziji kollha.

1.8   Tiġi infurzata l-leġislazzjoni attwali fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan għandu jinkludi sforz biex jiġi żgurat li l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-fondi tiġi analizzata skont is-sessi għall-finijiet ta’ trasparenza, responsabbiltà u reqqa, bħala prova ta’ konformità ġenwina mal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

1.9   Sabiex jinħoloq ambjent li jgħin lill-intraprendituri nisa, għandhom jitqiesu dawn li ġejjin:

li jiġu inklużi l-irġiel fid-dibattiti u l-komunikazzjoni;

il-qerda tal-istereotipi tas-sessi, partikolarment fl-edukazzjoni u t-tip ta’ karrieri;

il-promozzjoni ta’ studji akkademiċi li jistgħu jwasslu għall-ftuħ ta’ negozji ġodda min-nisa;

l-iżgurar ta’ aċċess ġust għal fondi u riżorsi fuq termini ugwali; u

it-titjib tal-protezzjoni soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom.

2.   Kuntest

2.1   It-tkabbir tal-UE u tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

2.1.1   Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-intraprenditorija tan-nisa f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (2) għarfet li “billi hemm diskrepanzi bejn l-Istati Membri u l-għadd ta’ intraprendituri nisa; billi inqas nisa milli rġiel iqisu li l-intraprenditorija bħala għażla ta’ karriera vijabbli u minkejja r-riżultat pożittiv fl-aħħar għaxar snin fil-għadd ta’ nisa li jmexxu SMEs, fl-Unjoni Ewropea huma biss 1 minn 10 nisa li huma intraprendituri meta mqabbla ma’ 1 minn 4 rġiel, billi n-nisa jammontaw għal madwar 60 % tal-gradwati universitarji kollha, iżda mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-impjieg full-time fis-suq tax-xogħol, partikolarment fil-qasam tan-negozju; billi huwa kruċjali li n-nisa jitħeġġu u jingħataw is-setgħa li jibdew negozji intraprenditorjali sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi eżistenti bejn is-sessi”.

2.1.2   Fl-isfond tal-kriżi finanzjarja fl-Ewropa, l-awsterità saret il-kelma ewlenija meta jitfittex mezz biex noħorġu mill-kriżi. Huwa biss reċentement li l-awsterità ssemmiet flimkien mal-investiment. Il-politiki għall-promozzjoni tat-tkabbir għandhom ikunu l-enfasi ewlenija.

2.1.3   F’xenarju globali li dejjem qed jinbidel u kkaratterizzat minn inċertezza, tibdil kontinwu u kompetizzjoni globali ikbar, ir-rikonoxximent tar-rwol tal-intraprendituri fl-indirizzar tal-investimenti għall-irkupru ekonomiku huwa wieħed mill-elementi ewlenin sabiex tiġi żgurata ekonomija Ewropea kompetittiva u dinamika. Il-Kummissjoni Ewropea, wara li rrikonoxxiet ir-rwol tal-SMEs fis-soċjetà tagħna, issa dawwret l-enfasi tagħha fuq l-użu tal-potenzjal tal-SMEs.

2.1.4   L-intraprendituri qed isiru dejjem iktar importanti bħala fornituri ta’ opportunitajiet ta’ impjieg u atturi ewlenin għall-benesseri tal-komunitajiet lokali u reġjonali (3). Għaldaqstant l-UE, permezz tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, l-Istrateġija Ewropa 2020, u l-Programm COSME ġdid (4), b’determinazzjoni qiegħdet il-ħtiġijiet tal-SMEs fil-qalba tal-attivitajiet tagħha għall-kisba ta’ riżultati pożittivi.

2.1.5   L-ambjenti nazzjonali u lokali fi ħdan l-UE li fihom joperaw l-SMEs huma differenti ħafna kif inhi differenti wkoll in-natura tal-SMEs infushom. Għaldaqstant politiki li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-SMEs għandhom jirrikonoxxu b’mod sħiħ din id-diversità u jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà (“Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa).

2.1.6   Fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar il-Komunikazzjoni “Negozju Żgħir, Dinja Kbira - sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (5), il-KESE nnota li l-Kummissjoni tassumi l-ugwaljanza bejn is-sessi fin-negozju, iżda ma tagħmel l-ebda rakkomandazzjoni speċifika biex tappoġġja lill-SMEs b’sidien nisa li qed ifittxu li jkunu internazzjonali.

2.1.7   L-Ewropa m’għandhiex infrastruttura li tappoġġja b’mod speċifiku l-intraprenditorija femminili. L-ebda mill-politiki, interventi sussegwenti jew dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq ma rrikonoxxew b’mod sħiħ il-kwistjonijiet abbażi tas-sessi dwar is-sjieda tan-negozji, u lanqas ma identifikaw l-opportunitajiet ta’ tkabbir jew id-diversità fi ħdan is-settur kummerċjali (fid-djar, mikrointrapriżi, sjieda tal-familji).

2.2   Politika attwali dwar intrapriżi b’sidien nisa

2.2.1   L-intrapriżi b’sidien nisa huma kritiċi għas-saħħa tal-ekonomija Ewropea. Għal iktar minn deċennju, il-gvernijiet u firxa ta’ organizzazzjonijiet fis-settur pubbliku, privat u akkademiku rrikonoxxew il-valur tal-appoġġ tal-intrapriżi tan-nisa kemm minn perspettiva ta’ politika kif ukoll minn dik prattika. Ir-riżultat ta’ dan kien li żdied l-għarfien tal-kontribut li dawn in-negozji jagħmlu għall-ekonomija.

2.2.2   Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Istati Membri sabiex issib mezzi kif tegħleb il-fatturi li jiskuraġġixxu lin-nisa milli jagħżlu l-intraprenditorija, u għal dan il-għan tnedew għadd ta’ inizjattivi, fosthom:

In-Netwerk Ewropew ta’ Konsulenti għall-Intraprendituri Nisa ġie inawgurat waqt avveniment tal-Presidenza Pollakka fil-15 ta’ Novembru 2011. In-Netwerk huwa wieħed mill-azzjonijiet proposti fir-Reviżjoni tal-2011 tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, u jsaħħaħ u jikkomplementa l-azzjonijiet għall-promozzjoni, l-appoġġ u t-tħeġġiġ tal-intraprenditorija femminili.

Netwerk Ewropew għal dawk li jfasslu l-politiki sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija tan-nisa (WES).

Il-portal tal-intraprenditorija tan-nisa (6).

3.   Il-potenzjal ekonomiku

3.1   Minbarra li tinkoraġġixxi l-progress, l-UE xorta trid tieħu aktar miżuri sinifikanti sabiex tuża l-potenzjal sħiħ tal-intrapriżi b’mod partikolari l-SMEs b’sidien nisa. Spiss in-nisa huma inviżibbli fi ħdan il-qasam kummerċjali – fil-midja, fi ħdan organizzazzjonijiet rappreżentattivi kummerċjali u f’dak li għandu x’jaqsam mal-inflwenzar tal-politiki.

3.2   Il-lakuna bejn is-sessi għadha tippersisti fir-rigward tal-intraprenditorija, u dan wassal għal inqas intraprendituri nisa. Illum il-ġurnata l-intraprendituri nisa fl-Ewropa jammontaw għal 30 % biss mill-intraprendituri kollha. Dan iżid mal-potenzjal mhux sfruttat għat-tkabbir ekonomiku.

3.3   Fl-2012, ir-rwol tal-intrapriżi b’sidien nisa huwa iktar importanti minn qatt qabel; hemm intrapriżi bi sjieda femminili li qed joperaw fl-Ewropa kollha, f’reġjuni ġirien bħall-Euromed (7), u f’kull settur, u r-rwol tagħhom fit-tkabbir tal-ekonomija u l-ħolqien u s-sosteniment ta’ impjiegi ġodda huwa kruċjali għall-irkupru u t-tkabbir.

3.4   L-iktar ħaġa inkwetanti hija li fi żmien meta l-finanzjament mill-gvern għall-appoġġ tan-negozji tnaqqas f’bosta pajjiżi, u meta bosta intrapriżi qed ibatu biex ikampaw u jiżviluppaw, il-politiki għall-appoġġ ta’ intrapriżi b’sidien nisa tneħħew mill-aġenda, minkejja l-kliem ta’ tifħir. Intrapriżi b’sidien nisa huma “opportunità ta’ bosta biljuni ta’ euro” (8) li għandha titqies u mhux tiġi injorata.

3.5   Waħda mill-ikbar sfidi fl-ikkwantifikar ta’ intrapriżi tan-nisa fl-Ewropa hi n-nuqqas ta’ data, kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva. Reġistri kummerċjali u bosta sorsi ta’ statistika governattiva (inkluża r-reġistrazzjoni tal-VAT) mhumiex ikklassifikati skont is-sess. Bl-istess mod, l-informazzjoni dwar is-sessi mhix disponibbli immedjatament mill-banek jew minn organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji.

3.6   Minkejja dawn il-lakuni, bosta sorsi konsistenti ta’ informazzjoni dwar l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti jipprovdu informazzjoni dwar attività maskili u femminili relatata mal-kummerċ. Dawn jinkludu l-Monitoraġġ Intraprenditorjali Globali (GEM) u l-istħarriġ annwali dwar il-popolazzjoni f’bosta pajjiżi Ewropej (Ċensiment). Il-ġbir tad-data fl-Istati Uniti jitfa’ d-dawl fuq il-potenzjal għall-Ewropa (9).

3.7   Ir-riċerka turi (10) li intrapriżi b’sidien nisa jinvestu iktar fit-taħriġ għall-persunal tagħhom minn dawk li jħaddmu inġenerali, u li madwar żewġ terzi qed jimmiraw li jżidu l-kapaċità ta’ tmexxija tal-maniġers tagħhom. Għaldaqstant investiment sabiex jiġu appoġġjati intrapriżi b’sidien nisa u orjentati lejn it-tkabbir x’aktarx li jagħti qligħ ikbar minn investiment f’intrapriżi inġenerali.

3.8   Il-biċċa l-kbira tal-istatistika hija tbassir konservattiv u hemm evidenza sinifikanti mir-riċerka li tindika aspirazzjonijiet saħansitra akbar għat-tkabbir fost intraprendituri nisa, inklużi dawk li huma ommijiet (11). Ir-riċerka li saret mill-Bank Natwest fir-Renju Unit żvelat li 88 % min-nisa meta mqabbla ma’ 74 % mill-irġiel kienu qed ibassru tkabbir fl-intrapriżi tagħhom. It-tkabbir imbassar kellu medja ta’ 25 %.

4.   Ugwaljanza bejn is-sessi fil-kummerċ

4.1   L-UE għandha obbligu etiku li tagħti lin-nisa dak li verament jistħoqqilhom. L-aġenda tas-sessi għandha dejjem tkun fuq quddiem fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Fi żmien ta’ kriżi il-“ġustizzja bejn is-sessi” issir iktar imperattiva. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jeħtieġu jkunu preżenti fid-dibattitu, għax ta’ sikwit jiġri li l-kwistjonijiet dwar in-nisa jiġbru biss lil nisa madwar il-mejda.

4.2   Madwar l-Ewropa kollha jeżistu politiki dwar l-integrazzjoni tas-sessi, anke fil-leġislazzjoni, iżda dawn ma jenfasizzawx li għandha ssir analiżi tal-allokazzjoni tar-riżorsi jew il-fondi skont is-sessi. Hemm bżonn li tiġi pprovduta din ix-xorta ta’ analiżi għall-għanijiet ta’ trasparenza, responsabbiltà u reqqa, bħala prova ta’ konformità ġenwina mal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

4.3   Dan huwa rekwiżit legali fir-Renju Unit taħt it-termini tal-“Gender Equality Duty” (12) (dmir għall-ugwaljanza bejn is-sessi), li jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi kollha biex fil-qadi ta’ dmirijiethom kollha, jagħtu attenzjoni biex:

jeliminaw id-diskriminazzjoni u l-molestji abbażi tas-sess li jmorru kontra l-liġi;

jippromovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel.

Dan għandu jitlob analiżi tal-allokazzjoni tar-riżorsi u l-fondi biex tingħata prova tan-newtralità bejn is-sessi.

4.4   Il-kunċett tal-“Gender Equality Duty” huwa importanti biex jiżgura ugwaljanza bejn is-sessi permezz tar-responsabbiltà u l-valutazzjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ġbir ta’ data kklassifikata mill-perspettiva tas-sessi. Dan ikun ta’ għajnuna għal dawk li jfasslu l-politiki fil-valutazzjoni tal-impatt reali fuq l-intraprenditorija femminili. (Pereżempju: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew: l-UE talloka fondi għall-Istati Membri, li mbagħad jerġgħu jallokaw dawn il-fondi f’livell reġjonali. Ta’ sikwit dawn il-fondi jintużaw biex jinħolqu l-impjiegi billi jinfetħu negozji, iżda fl-ebda punt ma titqajjem il-kwistjoni tas-sessi) Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fl-ugwaljanza bejn is-sessi, kull livell ta’ tfassil tal-politika għandu jirrifletti u janalizza l-mod kif jitqassmu l-flus skont is-sessi.

4.5   Is-sessi jistgħu jkunu “lenti” li permezz tagħha inugwaljanzi oħra (razza, diżabbiltà jew età) jistgħu jinftehmu u ssir xi ħaġa dwarhom. Sabiex l-integrazzjoni tas-sessi tkun effikaċi fl-Ewropa kollha jeħtieġ li jkun hemm approċċ integrat, b’mod partikolari dak li ġie enfasizzat fir-rapport tal-OECD “Tackle gender gap to boost growth” (13) (Nindirizzaw id-differenzi bejn is-sessi biex inħeġġu t-tkabbir). Enfasi fuq is-sessi tkopri l-aspetti kollha tal-ugwaljanza u taffettwa lil kulħadd, nisa u rġiel. Enfasi fuq is-sessi tirrikonoxxi li l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel jirriżultaw minn nuqqas ta’ ġustizzja jew l-istereotipi li jaffettwaw lil kulħadd.

4.6   Hemm bżonn li ssir analiżi tas-sessi biex tiġi evitata ħela tar-riżorsi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, livelli ogħla ta’ saħħa batuta, spejjeż ekonomiċi għal negozji fejn il-ħiliet tan-nisa mhumiex meqjusa u l-potenzjal u t-talenti tagħhom mhux rikonoxxuti. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jingħata appoġġ lill-konsulenza dwar il-karrieri, li jingħelbu l-istereotipi u li jitkisser is-“saqaf tal-ħġieġ” (glass ceiling) biex in-nisa ta’ kull età jingħataw is-setgħa. Hemm bżonn ukoll li l-mudelli li jagħtu eżempju u l-mexxejja nisa jkollhom preżenza aktar prominenti fil-midja u s-soċjetà, sabiex jiġu promossi l-bidliet pożittivi li n-nisa jġibu magħhom għall-ekonomija.

5.   Rakkomandazzjonijiet

5.1   Interventi ta’ politika

5.1.1   Il-KESE jirrikonoxxi li l-Ewropa għaddejja minn żmien mimli miżuri ta’ awsterità, iżda politiki speċifiċi u sempliċi għal intrapriżi b’sidien nisa jistgħu jġibu qligħ fuq investiment li jikkumpensa l-kontribuzzjonijiet żgħar mill-UE u l-Istati Membri sabiex jitwaqqfu dawn l-erba’ proposti.

5.1.2   Dawn il-proposti ma ntgħażlux b’mod każwali iżda permezz ta’ konsultazzjonijiet ma’ intraprendituri nisa u ma’ assoċjazzjonijiet kummerċjali. Saru rakkomandazzjonijiet simili fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (14). Iktar importanti, miżuri simili ġew introdotti fl-Istati Unit taħt il-“Women’s Business Ownership Act” (1988). Kien l-element obbligatorju tal-ġbir tad-data u tal-akkwist li kellu l-ikbar effett. Il-proporzjon ta’ intraprendituri nisa għal dak ta’ rġiel fl-Istati Uniti issa huwa madwar 2:1 (l-għadd ta’ nisa sidien ta’ intrapriża fl-Istati Uniti, bħala perċentwal tal-intrapriżi kollha, żdied minn 26 % fl-1992 għal 57 % fl-2002). Dan irdoppja l-għadd ta’ intraprendituri nisa, żied l-għadd ta’ impjiegi maħluqa u żied il-kontribut ekonomiku għas-soċjetà.

5.1.3   Il-proposti huma li:

5.1.3.1

Jinħoloq uffiċċju tas-Sjieda ta’ Negozji minn Nisa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-ministeri kompetenti tal-Istati Membri. Preferibbilment dan m’għandux jaqa’ taħt il-ministeri li jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-sessi sabiex ikun hemm distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet tal-intrapriżi ekonomiċi u r-responsabbiltajiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan għandu jkollu mandat serju b’miri u riżorsi. Attwalment id-DĠ Intrapriża għandu persuna waħda mid-900 persunal li hija ddedikata biss għall-intraprenditorija femminili fl-Ewropa!

5.1.3.2

Jinħatar Direttur/Mibgħut Speċjali/Rappreżentant Għoli għall-Intrapriżi tan-Nisa fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-ministeri għall-intrapriżi tal-Istati Membri, iżda bi rwol mifrux fid-dipartimenti għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji ekonomiċi li aktar nisa jitħeġġu jibdew u jkabbru n-negozji. Dawn l-uffiċċji għandhom ikunu marbuta bi żmien (4–10 snin, jiddependi fuq l-istruttura ekonomika u finanzjarja) u għandu jkollhom mandat ċar ħafna b’għanijiet u responsabbiltà speċifiċi. Id-Direttur/Mibgħut Speċjali/Rappreżentant Għoli għall-Intrapriżi tan-Nisa jista’ wkoll ikollu r-responsabbiltà għall-promozzjoni tal-linji industrijali u akkademiċi li jwasslu għal żieda fl-intraprenditorija femminili bħar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija avvanzata, il-bejgħ dirett u l-iżvilupp tal-IT/tal-internet.

5.1.3.3

Il-ġbir ta’ data essenzjali li tippermetti l-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi għall-intraprendituri nisa – raġuni ewlenija għalfejn in-nisa qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni fil-kummerċ, b’mod partikolari fil-fażi inizjali. Appoġġ biex isiru aġġornamenti annwali ta’ politika u riċerka dwar l-intrapriżi tan-nisa fir-reġjuni Ewropej kollha. Jiżdied il-ġbir u l-aċċess għal data kklassifikata skont is-sessi mid-dipartimenti u l-aġenziji governattivi kollha. Huwa essenzjali li d-DĠ Intrapriża u l-ministeri għall-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri jagħmlu Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Sessi billi jiġbru data rilevanti li tinkludi n-numru ta’ intraprendituri nisa, in-numru ta’ intrapriżi b’sidien nisa, in-numru ta’ impjegati f’dawn l-intrapriżi, l-allokazzjoni tar-riżorsi lil dawn l-intrapriżi u l-intraprendituri. Huwa importanti li jkun magħruf li pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti rnexxielhom iżidu l-livell ta’ intraprenditorija femminili permezz tal-ġbir u l-analiżi ta’ tali data.

5.1.3.4

Tiġi infurzata l-leġislazzjoni attwali fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Ċifri riċenti juru li l-qgħad fost in-nisa qiegħed fl-ogħla livell tiegħu fi 23 sena fl-Ewropa kollha. Hemm ukoll livell rekord ta’ żgħażagħ, fosthom gradwati nisa, li mhumiex ekonomikament attivi. Teżisti lakuna fil-pagi bejn is-sessi u hemm nuqqas ta’ rappreżentazzjoni femminili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa kollha. Huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri jaqdu l-obbligu tagħhom tad-dmir lejn is-sessi fil-klassifikazzjoni tal-informazzjoni skont is-sessi, b’mod partikolari fil-ġbir tad-data u fl-allokazzjoni tar-riżorsi.

5.2   Interventi tas-soċjetà ċivili

5.2.1   Qiegħed jiġi propost li:

5.2.1.1

Peress li l-attivitajiet kollha marbutin mal-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa u tan-negozji b’sidien nisa huma ta’ benefiċċju soċjetali u ekonomiku, l-irġiel għandhom jitħeġġu jkunu parti minn dan id-dibattitu u jagħrfu l-valur miżjud tal-promozzjoni tal-attivitajiet tan-nisa bħala intraprendituri. Il-komunikazzjonijiet, in-netwerks u t-taħriġ rilevanti għandhom jinkludu ż-żewġ sessi u l-protezzjoni soċjali għandha tiżgura li jingħata trattament ugwali lil kulħadd fis-soċjetà.

5.2.1.2

Tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-intraprenditorija għal kulħadd billi naċċertaw li l-edukazzjoni fil-livelli kollha tneħħi l-istereotipi tas-sessi tal-intraprendituri, u billi nikkontrollaw il-lingwaġġ u t-termini użati biex jiġu deskritti l-intraprendituri. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li l-appoġġ li attwalment qiegħed jingħata lill-intraprendituri mill-universitajiet u l-edukazzjoni avvanzata jkun attraenti u ta’ użu għan-nisa żgħażagħ, biex b’hekk titnaqqas id-differenza bejn l-għadd ta’ rġiel u nisa żgħażagħ li jiftħu negozju.

5.2.1.3

Il-promozzjoni ta’ linji ta’ karrieri tradizzjonali u mhux tradizzjonali għal nisa ta’ kull età ssir b’mod li l-ġeneru jkun newtru. L-Ewropa għandha ħafna nisa kkwalifikati ħafna u li huma ggradwati, ħafna minnhom qiegħda minħabba l-kriżi, li forsi ma kkunsidrawx l-alternattiva li jiftħu n-negozju tagħhom.

5.2.1.4

Jinħolqu ċentri kummerċjali ddedikati għan-nisa li joffru informazzjoni kummerċjali essenzjali, netwerks, qsim ta’ għarfien, taħriġ u konsulenza. Dawn ma jeżistux f’xi pajjiżi tal-UE, filwaqt li madwar l-UE kollha ta’ sikwit dawn ma jkollhomx biżżejjed riżorsi fi ħdan assoċjazzjonijiet kummerċjali u kmamar tal-kummerċ. Madankollu, dawn iċ-ċentri fejn jiġu applikati riżorsi ddedikati jistgħu jkunu effikaċi ħafna fil-promozzjoni tal-intraprenditorija femminili. Bosta eżempji tal-aħjar prattika jistgħu jinstabu fil-Ġermanja.

5.2.1.5

Jiġi żgurat appoġġ u aċċess għall-informazzjoni, l-fondi u r-riżorsi fir-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija għan-nisa li jixtiequ jibdew il-kumpanija tagħhom jew jiżviluppaw ir-riċerka jew l-innovazzjonijiet tagħhom.

5.2.1.6

Li l-istituzzjonijiet finanzjarji jirrevedu l-iżvelar tal-informazzjoni dwar self fir-rigward tas-sessi. Hemm riċerka li turi li s-self lin-nisa huwa baxx u spiss b’rati ta’ interess ħafna ogħla milli għall-irġiel (15).

5.2.1.7

Jiġi rivedut il-provvediment tas-sigurtà soċjali għall-intraprendituri kollha iżda b’mod partikolari l-aspetti prattiċi tal-provvediment għall-intraprendituri nisa waqt it-tqala u bħala ommijiet u dawk li jipprovdu l-kura. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-aġenda għall-Ispirtu Intraprenditorjali (16) tal-Kummissjoni jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa għal skemi ta’ sigurtà soċjali aħjar, iżda ma jagħfasx biżżejjed dwar it-twettiq ta’ proposti rilevanti.

5.2.1.8

Jiġi żviluppat u implimentat patt dwar ix-xandir pubbliku fl-UE kollha, sabiex ix-xandara pubbliċi mill-Istati Membri jitħeġġu jikkommettu għat-twaqqif ta’ miri dwar preżenza medjatika bbilanċjata bejn is-sessi b’rabta mal-intraprenditorija – li n-nisa jitneħħew mill-“paġni għan-nisa” u jitqiegħdu fil-paġni kummerċjali! Ir-riċerka tindika li l-preżenza fil-mezzi tax-xandir tista’ tinfluwenza b’mod sinifikanti u pożittiv il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet lejn l-intraprendituri nisa. Iktar preżenza fil-midja ta’ intraprendituri nisa ta’ suċċess bħala xempji jkollu impatt li jista’ jitkejjel fuq l-attitudnijiet tas-soċjetà lejn l-intraprenditorija femminili.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  1988: Women’s Business Ownership Act (L-Att dwar is-Sjieda ta’ Negozji min-Nisa) (HR5050) http://www.nwbc.gov/sites/default/files/nwbc05.pdf.

(2)  (2010/2275(INI)).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali – ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru (ĠU C 256 tas-27.10.2007, p. 114).

(4)  Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) 2014-2020.

(5)  COM(2011) 702 final.

(6)  Ara: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/promoting-entrepreneurship/women/portal/.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il- Promozzjoni tal-intraprenditorija tan-Nisa fir-reġjun tal-EUROMED” (ĠU C 256 tas-27.10.2007).

(8)  Ara: www.wescotland.co.uk/wepg.

(9)  http://womeninbusiness.about.com/od/wibtrendsandstatistics/a/statswibindustr.htm.

(10)  http://www.bis.gov.uk/assets/biscore/enterprise/docs/b/11-1078-bis-small-business-survey-2010-women-led-businesses-boost.pdf.

(11)  http://www.enterprising-women.org/static/ew_growthreport.pdf.

(12)  http://freedownload.is/doc/overview-of-the-gender-equality-duty-11622854.html.

(13)  http://www.oecd.org/document/0,3746,en_21571361_44315115_50400285_1_1_1_1,00.html.

(14)  (2010/2275(INI)).

(15)  Ara pereżempju “Women and banks - Are female customers facing discrimination?”, Rapport tal-IPPR, Novembru 2011, hawnhekk: http://www.wireuk.org/uploads/files/women-banks_Nov2011_8186.pdf; “Women’s business ownership: a review of the academic, popular and internet literature”, hawnhekk: http://www.bis.gov.uk/files/file38362.pdf.

(16)  COM(2004) 70 final.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tan-nisa meħtieġ għal mudell ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/06

Relatur: is-Sinjura RONDINELLI

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tan-nisa meħtieġ għal mudell ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-potenzjal tan-nisa li jaħdmu u/jew għandhom intrapriża fiż-żoni agrikoli u rurali għandu jiġi analizzat, valutat u sfruttat fil-politiki kollha tal-UE u mhux penalizzat minn xi wħud minnhom: din hija l-bażi neċessarja biex in-nisa jkunu atturi fl-iżvilupp u l-innovazzjoni, bħala għajnuna biex is-settur joħroġ mill-kriżi.

1.2

It-trattament ugwali, l-opportunitajiet indaqs u l-miżuri għall-promozzjoni tal-kundizzjonijiet tan-nisa għandhom jiġu żgurati f’kull leġislazzjoni u kull programm tal-UE, permezz ta’ integrazzjoni (mainstreaming) tal-ġeneru, is-semplifikazzjoni tal-proċedura tal-aċċess għar-riżorsi u l-verifika perjodika tar-riżultati.

1.3

In-nisa għandhom ikunu involuti fil-livell ta’ żvilupp tas-settur fil-livell territorjali u reġjonali: dan ifisser li jiddaħħlu l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni u li jiġu elenkati l-ħtiġijiet, l-esperjenzi u l-proġetti (bini ta’ kapaċità).

1.4

Fl-interazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka u n-nisa konċernati għandhom jiġu analizzati l-potenzjal u l-ħtiġijiet; għandhom jiġu provduti strumenti ta’ taħriġ u teknoloġija għas-sostenn tal-iżvilupp tal-intrapriżi mmexxija min-nisa; għandha tittejjeb il-kwalità tax-xogħol u tal-ħajja tan-nisa fl-agrikoltura.

1.5

L-ICT (1) hija fundamentali biex tiġi żviluppata u mtejba l-attività tan-nisa fl-agrikoltura, sakemm tkun effikaċi, distribwita sew, aċċessibbli u ma tqumx ħafna flus (broadband). Barra minn hekk, tista’ anke toħloq impjiegi għall-persuni tekniċi tal-ICT.

1.6

Il-ħolqien ta’ netwerks tan-nisa, faċilitat minn ICT tajba, iwassal biex jiġu żviluppati l-kuntatti, tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni u jiġu promossi r-relazzjonijiet u l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn in-nisa fl-UE u fil-pajjiżi kandidati u terzi, għall-benefiċċju tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-kummerċ.

1.7

It-taħriġ għandu jkun immirat lejn il-ħtiġijiet u l-potenzjal tan-nisa konċernati; il-modi innovattivi ta’ tixrid jistgħu jiġu fdati f’idejn l-istess nisa (gruppi ta’ diskussjoni u taħriġ awtonomu, paġni fil-gazzetti, interventi informattivi fl-istituti edukattivi, eċċ.).

1.8

Peress li jkunu organizzati u jieħdu sehem billi jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, hemm bżonn servizzi effiċjenti, aċċessibbli u flessibbli li jirnexxilhom jilliberaw il-ħin mill-kompiti tal-kura. Dan jgħodd għas-saħħa, it-trasport, il-kreditu, id-distribuzzjoni, il-marketing, il-kura tal-anzjani u t-tfal, u anki għas-setturi tas-sigurtà soċjali li jieħdu ħsieb in-nisa li ma jiħdux benefiċċji (konjuġi assistenti). Hawnhekk ukoll, jinħolqu impjiegi fil-qasam tas-servizzi involuti.

1.9

Kull Stat Membru tal-UE għandu joħloq ir-rikonoxximent legali tal-konjuġi assistenti għall-finijiet ta’ sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa. Fil-livell tal-UE, tkun ħaġa tajba li jiġi definit qafas legali għall-kotitularizzazzjoni, forsi permezz ta’ statut tan-nisa fl-ambjent agrorurali.

1.10

In-nisa jistgħu jagħtu kontribut għas-sostenibbiltà tal-agrikoltura u t-territorju jekk jingħataw l-istrumenti tal-għarfien u t-teknoloġiji meħtieġa (teknoloġiji ekoloġiċi, ġestjoni u użu effiċjenti tar-riżorsi, produzzjoni ta’ enerġija nadifa). Għat-tnedija ta’ dawn l-intrapriżi, innovattivi u sostenibbli, hemm previst proċedura mħaffa (fast track) għal aċċess semplifikat għar-riżorsi (tat-tip Pilastru II tal-PAK).

1.11

In-nisa jistgħu jkunu l-mutur għal-rilanċ tal-artiġjanat, tal-prodotti tradizzjonali ta’ kwalità u bijoloġiċi, anki permezz ta’ interazzjoni iktar stretta bejn il-produtturi u l-konsumaturi li għandha tiġi studjata u promossa (bħalma sar fil-każ tal-“ktajjen qosra”).

1.12

Ir-riforma tal-PAK u l-politiki tal-iżvilupp rurali għandhom jikkonformaw biex jippromovu x-xogħol u l-attivitajiet tan-nisa, b’mod partikolari permezz ta’ programmi tematiċi riżervati għan-nisa (Pilastru II).

1.13

L-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet soċjali huma koresponsabbli għall-promozzjoni tal-potenzjal tan-nisa li jgħixu f’ambjent agrorurali f’kuntest ta’ legalità u t-twettiq ta’ qafas legali adegwat li jiżgura l-prinċipju tal-ugwaljanza u tar-rappreżentanza tas-sessi, anki fl-istrutturi interni tagħhom. L-eżempji pożittivi ta’ kull Stat Membru għandhom iservu ta’ inċentiv sabiex jiġi żgurat, hekk kif talab il-Parlament Ewropew, li n-nisa jkunu rappreżentati tajjeb fil-korpi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha tas-settur agrikolu u ż-żoni rurali.

2.   Potenzjal li jrid jiġi rilaxxat

2.1

Il-potenzjal rappreżentat min-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali huwa sottovalutat: ir-rapport tal-PAK 2010 (2) jinkludi referenzi għan-nisa biss permezz tal-istatistika tal-Eurostat, u r-rapport dwar l-iżvilupp rurali 2010 juri d-distakk bejn ir-rati ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (76 % għall-irġiel, 62 % għan-nisa (3)). Anki fid-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2006 dwar “Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali” (4), in-nisa jiġu kwotati biss b’rabta mal-ħtieġa li jiġu mħeġġa jidħlu fis-suq tax-xogħol.

2.2

Fl-istess ħin, il-Parlament Ewropew, bir-riżoluzzjoni tal-2011 dwar ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali (5), jelenka b’mod preċiż il-problemi ewlenin li jiffaċċjaw in-nisa u jindika għadd ta’ linji strateġiċi biex tiġi appoġġjata din ir-realtà soċjali u ekonomika. Il-KESE japprova l-analiżi tal-PE u jaqbel mal-konklużjonijiet, u jiġbed l-attenzjoni għal sensiela ta’ Opinjonijiet tiegħu stess (6).

2.3

Il-KESE japprezza l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament b’dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi Strutturali u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (7) li jakkumpanjawh, u anke l-Komunikazzjoni dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fl-Agrikoltura (8): dawn id-dokumenti jinkludu elementi interessanti li jagħtu tama li qed tingħata attenzjoni istituzzjonali lit-temi tal-ġeneru u wieħed jispera li jiġu segwiti minn deċiżjonijiet adatti min-naħa tal-Kunsill.

2.4

Il-KESE jonora l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rurali tan-nisa u netwerks simili f’bosta Stati Membri. Uħud minnhom huma indipendenti u oħrajn integrati fl-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa. Jeżistu wkoll xi organizzazzjonijiet rurali taż-żgħażagħ li huma attivi ħafna fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. B’riżultat ta’ dan jikkwalifikaw ħafna nisa u jimmotivaw ruħhom għal attivitajiet intraprenditorjali, soċjali, professjonali u politiċi. Huma kellhom rwol ċentrali wkoll fil-progress li sar s’issa pereżempju fil-qasam tas-sigurtà soċjali għall-familji bdiewa. F’xi assoċjazzjonijiet tal-bdiewa li tradizzjonalment kienu ddominati mill-irġiel illum in-nisa jaqdu rwol determinanti ħafna (9). Każijiet bħal dawn għandhom iservu ta’ eżempju għall-Istati Membri kollha.

2.5

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tidentifika, b’mod parallel mad-dokumenti kwotati, għadd ta’ kriterji u miżuri li jistgħu jgħinu lin-nisa jirrilaxxaw il-potenzjal tagħhom bħala ħaddiema u intraprendituri, billi jassumu rwol innovattiv għall-iżvilupp sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità. L-identifikazzjoni aħjar tal-potenzjal u l-ħtiġijiet tax-xogħol tal-intraprendituri nisa agrorurali tista’ ttejjeb il-produzzjoni, tikkwalifikaha, tagħtiha spinta strateġika, tiddiversifikaha u tiżviluppa koerenza ikbar bejn il-PAK u l-politiki tal-iżvilupp rurali u tal-koeżjoni territorjali.

3.   Dati u punti ta’ referenza

3.1

Ir-riformi suċċessivi tar-riforma tal-PAK wasslu biex tiċċajpar id-differenza bejn l-ekonomija agrikola, l-ekonomija rurali u l-ġestjoni/promozzjoni tat-territorju. Dan wassal biex jitwessa’ l-ambitu (10) li fih jiġu analizzati l-problemi li jiffaċċjaw in-nisa, iżda dan ifisser ukoll li jridu jingħataw informazzjoni preċiża, disaggregata u kwalitattiva, billi jiżdied l-isforz li diġà qed isir fl-Eurostat. Ir-riżoluzzjoni tal-PE tal-2011 tassumi li l-persuni impjegati b’mod regolari fl-agrikoltura huma madwar 26,7 miljun persuna, li 42 % minnhom (11,2 miljun persuna) huma nisa, inklużi l-attivitajiet kollha agrikoli u rurali li fihom isir xi tip ta’ xogħol (li ħafna drabi l-impjieg la jkun l-uniku u lanqas l-ewlieni), filwaqt li l-Eurostat tkejjel l-impjieg agrikolu fuq il-bażi ta’ AWU (Annual Working Units), li jnaqqas in-numru globali ta’ rġiel u nisa li jaħdmu kull tip ta’ xogħol fis-settur għal 11,1 miljun persuna fl-2010 (għall-attivitajiet tal-agrikoltura, tal-foresta, tal-kaċċa u tas-sajd) u b’hekk, dak tan-nisa jkun 4,7 miljuni (11).

3.2

Din ir-referenza għall-metodoloġija statistika turi li l-problema mhijiex kwistjoni ta’ kwantità iżda ta’ kemm huwa strateġiku s-settur agrorurali fl-interazzjoni tiegħu mal-kuntesti urbani u periurbani u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom (ambjentali u soċjali). Ir-realtà tan-nisa fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali għalhekk ser tiġi kkunsidrata b’fokus doppju: il-livell għoli tal-istandards ta’ produttività tal-agrikoltura Ewropea u l-potenzjal li jirrappreżentaw in-nisa u li jista’ jiġi rilaxxat b’riżorsi limitati iżda li jintużaw b’mod effiċjenti u mmirat. Bħalissa għadna għaddejjin minn perjodu ta’ kriżi qawwija li qed tiġġenera d-diffikultajiet – iżda anke opportunitajiet – għan-nisa li jgħixu u jaħdmu fiż-żoni agrorurali.

4.   L-ekonomija agrikola u rurali u l-effetti tal-kriżi

4.1

Stħarriġ riċenti dwar is-sitwazzjoni agrorurali juri li, wara tnaqqis fil-produzzjoni u impjieg minħabba t-tnaqqis fil-konsum u l-esportazzjoni, is-settur reġa’ qed jikber, ħaġa li qed twassal għal żieda fid-dħul. Is-suq intern, b’mod partikolari, jiffavorixxi l-kwalità u s-sostenibbiltà; f’diversi reġjuni, l-akkwist tal-prodotti lokali (distribuzzjoni b’żero kilometri jew bi ktajjen qosra (12)) u/jew bijoloġiċi huma affarijiet pożittivi f’għajnejn il-konsumaturi.

4.2

Fil-livell tal-impjiegi, bejn l-2007 u l-2008, intilfu madwar 900 000 impjieg fl-agrikoltura, filwaqt li bejn l-2008 u l-2009, il-bilanċ kien ta’ -200 000 AWU (13). Għalhekk, it-tendenza negattiva tista’ tagħti xhieda tal-valuri li jirriflettu tnaqqis fiżiku fil-ħaddiema minħabba r-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi, bi tnaqqis fl-għadd ta’ ħaddiema mhux kwalifikati favur dawk il-ħaddiema b’iktar kwalifiki.

4.3

Minkejja dawn is-sinjali ta’ tama, żgur li għadna ma ħriġniex mill-kriżi u lanqas nistgħu ngħidu li l-qagħda tan-nisa marret għall-aħjar: il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni agrikola għadha tuża ħaddiema nisa b’mod informali, ħaġa li diġà għandha żvantaġġi kbar kemm fl-impjieg full-time (26 % tan-nisa u 52 % tal-irġiel), kif ukoll fl-impjieg part-time (9,7 % tal-irġiel u 11,8 % tan-nisa) (14); minbarra din l-informazzjoni, hemm il-qasam tax-xogħol staġjonali (li jirrappreżenta perċentwal enormi tal-persuni li jaħdmu meta mqabbel ma’ perċentwal imnaqqas ta’ persuni li jaħdmu part-time), ix-xogħol informali u illegali, realtà inviżibbli jew problematika li mhijiex kwantifikata, u li b’hekk għandu jsir intervent biex ix-xogħol mistur jiġi mħeġġeġ joħroġ fil-miftuħ u safejn huwa possibbli jiġi stabilizzat ix-xogħol tan-nisa.

4.3.1

Is-sitwazzjoni tal-immigranti (kemm fl-Unjoni kif ukoll barra), li ħafna drabi jiġu mċaħħda l-iktar drittijiet fundamentali, hija waħda inkwetanti, ibda biex il-ħlas tard tas-salarji u bi tnaqqis mhux ġustifikat u mhux ġustifikabbli. Din is-sitwazzjoni marret għall-agħar u ma tistax tiġi ġustifikata mid-diffikultajiet fil-ħlas tal-krediti lill-intrapriżi agrikoli ż-żgħar u l-problemi tal-bidliet; f’ħafna każi n-nisa ħaddiema kellhom jirritornaw lejn pajjiżhom mingħajr ma jitħallsu jew li jsibu ruħhom f’idejn persuni li jisfruttawhom, persuni kriminali u bejjiegħa ta’ ħaddiema li b’xorti ħażina għadhom ma jistgħux jiġu mħarrka f’xi pajjiżi tal-UE.

4.3.2

It-tifrix territorjali tal-irziezet u d-dimensjoni iżgħar ta’ ħafna minnhom wasslu biex il-monitoraġġ tal-korrettezza tar-relazzjonijiet tax-xogħol isir iżjed kumpless. Madankollu, ġestjoni bir-reqqa min-naħa tal-amministrazzjonijiet lokali, flimkien mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tista’ tkun il-punt tat-tluq biex jiġu miġġielda l-irregolaritajiet u l-kriminalità, b’garanzija tad-drittijiet u s-sigurtà għal kulħadd.

5.   Biex jittejbu l-ħajja u x-xogħol tan-nisa fiż-żoni agrorurali …

5.1

Id-dimensjoni kwalitattiva tal-produzzjoni agrikola hija aspett importanti tal-impjieg tan-nisa, kemm bħala produtturi, bħala konjuġi assistenti, bħala konsumaturi, kif ukoll bħala persuni li jittrasmettu t-tradizzjonijiet, il-kreattività u l-imġiba ġenwina. Biex tiġi promossa din ir-realtà jeħtieġ li jsiru għażliet koordinati fir-reġjun.

5.2

L-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-metodi produttivi avvanzati, ir-riċerka, id-direzzjoni professjonali u t-taħriġ għandhom iwasslu biex iċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet jinteraġixxu maż-żoni agrorurali, billi fl-istudji tagħhom jintegraw il-ħtiġijiet tan-nisa u l-analiżi tal-potenzjal tagħhom.

5.3

Ħafna drabi kull problema ta’ titjib kwalitattiv u ta’ promozzjoni tal-kompetittività tista’ tiġi solvuta b’xi tip ta’ taħriġ. Dan jista’ jwassal għal żieda kwantitattiva u mhux kwalitattiva u offerta ta’ taħriġ li ħafna drabi ma tikkorrispondix b’mod adegwat għall-ħtiġijiet konkreti tal-ekonomija u l-elementi soċjali involuti, u lanqas għall-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli. Ir-realtà agrorurali, biex tikber, għandha bżonn ħaddiema nisa u intraprendituri nisa mħejjija, iżda t-taħriġ waħdu ma jwassalx għall-kwalifiki immedjati għax-xogħol, l-attività u l-ħajja jekk ma jkunx hemm l-istrutturi u s-servizzi u ma jinħolqux l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità.

6.   … nanalizzaw il-ħtiġijiet u l-potenzjal l-ewwel nett mit-territorju

6.1

Kwalunkwe taħriġ u provvista ta’ servizzi jew razzjonalizzazzjoni għandu jibda mill-analiżi tal-kundizzjonijiet konkreti u d-disponibbiltà tan-nisa li jgħixu u jaħdmu fl-ambjent agrorurali. Dan jeħtieġ analiżi bir-reqqa tat-territorju, tal-potenzjal u tal-aspetattivi tan-nies, li għandha ssir bil-parteċipazzjoni attiva tan-nisa konċernati. Il-parteċipazzjoni hija dinamika li tagħti r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u anki lill-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali. Il-potenzjal sħiħ ta’ territorju jista’ jiżdied jekk jiġi rilaxxat il-potenzjal tan-nisa li jgħixu fih. Il-programmi mmirati u effikaċi għall-iżvilupp tal-innovazzjoni, l-intraprenditorija u x-xogħol tan-nisa jistgħu joħolqu impjiegi (għaż-żgħażagħ) li jrażżnu u kultant anke jaqilbu t-tendenzi tat-tnaqqis tal-popolazzjoni fil-kampanja.

6.1.1

L-universitajiet u t-territorji għandhom jikkollaboraw fl-analiżi ta’ dan il-potenzjal: iċ-ċentri tar-riċerka għandhom jiġu involuti fil-previżjonijiet u fil-valutazzjoni tal-livelli ta’ żvilupp. Dan iwassal biex jiġu garantiti l-kollaborazzjonijiet effikaċi, permezz ta’ ICT avvanzati u aċċessibbli, bejn l-universitajiet u n-nisa biex tinħareġ riċerka preċiża u applikata f’dan il-qasam (15).

6.1.2

Il-pjani ta’ żvilupp territorjali għandhom jinkludu azzjonijiet speċifiċi ta’ taħriġ immirati lejn il-ħaddiema u l-intraprendituri nisa, konjuġi assistenti, ħaġa li ttejjeb il-kapaċità tagħhom biex jadattaw lilhom infushom għall-innovazzjoni, għat-trasferiment tal-għarfien u l-imġiba. In-nisa li jkunu rċevew taħriġ għandhom jingħataw inċentiv biex jgħaddu dan it-tagħlim lill-oħrajn permezz ta’ strumenti formali (kooperattivi, strutturi parteċipattivi fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali, gruppi ta’ azzjoni fil-qafas tal-iżvilupp rurali, eċċ.) u informali (gruppi ta’ diskussjoni u taħriġ awtonomu, interventi fl-istituti edukattivi, programmi fuq ir-radju u t-TV, punti fl-aħbarijiet, intrapriżi soċjali, eċċ.). L-inċentiv meħtieġ, mhuwiex magħmul biss mir-riżorsi finanzjarji imma anki mill-allokazzjoni tal-ħin liberu għan-nisa bis-saħħa tal-iffaċilitar u s-servizzi tajbin fit-territorju (permessi retribwiti, strutturi għall-kura tat-tfal iż-żgħar, trasport effiċjenti u b’xejn (16), sostituzzjoni temporanja tal-ħidma ta’ kura, agroażili, eċċ.).

6.2

Il-kopertura effiċjenti tal-internet b’veloċità għolja (broadband) u li ma tqumx ħafna flus hija prerekwiżit, meta wieħed iqis li hemm pajjiżi sħaħ fl-UE li għandhom inqas minn 60 % tad-djar li għandhom konnessjoni man-netwerk. Użu iktar mifrux tal-ICT jista’ jiffaċilita anke t-taħriġ mill-bogħod, il-komunikazzjoni bejn żoni mbiegħda minn xulxin u jikkostitwixxi stimulu biex issir komunikazzjoni man-nisa fis-setturi agrorurali ta’ pajjiżi oħra, biex b’hekk jiżdied l-interess anke fit-tagħlim tal-lingwi u l-iskambju tal-esperjenzi.

6.2.1

Barra minn hekk, l-ICT tiffavorixxi l-ħolqien tan-netwerks tal-intraprendituri nisa, tal-konjuġi assistenti u tal-ħaddiema nisa, stimulati mill-preżenza tal-migranti minn barra l-Komunità, li jikkomunikaw u jinteraġixxu anke ma’ nisa minn pajjiżi kandidati u pajjiżi terzi. Dan jista’ jwassal għal skambju utli ta’ esperjenzi, kooperazzjoni aħjar għall-iżvilupp u anke għal iktar integrazzjoni kummerċjali, kif ukoll kontribut biex tiġi indirizzata l-problema tal-ikel fil-livell dinji.

6.3

Is-saħħa tan-nisa fl-ambitu agrorurali hija prijorità. Servizzi tas-saħħa li jkunu effikaċi – anki bi struttura ta’ telemediċina u teledjanjosi – u l-protezzjoni ta’ mediċina ta’ kwalità – għandhom jimmonitorjaw is-saħħa, is-sigurtà u l-mard professjonali fuq il-post tax-xogħol u dan jista’ joħloq ukoll iżjed impjiegi għal persuni speċjalizzati. It-tali servizzi (b’mod partikolari għall-iġjene riproduttiva u l-prevenzjoni ġenekoloġika) għandhom ikunu mingħajr ħlas; f’kull każ, l-ispejjeż għandhom ikunu dejjem korrispondenti mad-dħul u l-infiq tal-familji. Wieħed mill-aspetti kruċjali huwa l-preżenza ta’ ħafna nisa ta’ età avvanzata: f’ċerti pajjiżi b’vokazzjoni agrorurali qawwija, l-istennija tat-tul ta’ ħajja tan-nisa hija ħafna itwal minn dik tal-irġiel, u għalhekk il-popolazzjoni tan-nisa hija ikbar fost l-anzjani li għandhom ’il fuq minn sittin sena (17). Għal dawn in-nisa huwa indispensabbli li jkun hemm servizzi medikali, ta’ assistenza u ta’ akkumpanjament anki biex in-nisa iżgħar fl-età ma jkunux obbligati jġorru piżijiet familjari addizzjonali.

6.4

Il-kundizzjonijiet tal-konjuġi assistenti agrikoli għadhom jiġu trattati b’mod differenti ħafna minn pajjiż għal ieħor. Dawn in-nisa mhumiex rikonoxxuti formalment bħala ħaddiema, għalkemm jaħdmu b’mod intensiv fis-settur u f’ċerti Stati Membri għadhom imċaħħda minn kull għajnuna ta’ saħħa u pensjoni (minbarra dik universali, fejn is-sigurtà soċjali tipprevediha). Hemm bżonn strumenti li jiżguraw kopertura għal dawn in-nisa, pereżempju permezz ta’ fondi ta’ pensjonijiet speċifiċi promossi mill-imsieħba soċjali jew l-awtoritajiet reġjonali. Tkun ħaġa f’waqtha li jiġi definit qafas legali għall-kotitularizzazzjoni, forsi permezz ta’ statut Ewropew tan-nisa fl-ambjent agrorurali.

6.5

L-użu razzjonali tal-enerġija u r-rimi tal-iskart huma oqsma fejn in-nisa jaqdu rwol ewlieni fl-amministrazzjoni tal-ekonomija tad-djar. Is-separazzjoni tal-iskart u l-istrutturi adegwati ta’ kompost u trasformazzjoni (bijomassa) jistgħu jiġu integrati mal-għanijiet tal-iffrankar tal-enerġija u maċ-ċirki virtwużi tal-produzzjoni agrikola u bijoloġika, b’mod awtosuffiċjenti fil-livell tal-enerġija. L-aċċess għat-teknoloġiji ekoloġiċi l-ġodda għall-produzzjoni u l-użu effikaċi tar-riżorsi għandhom jiġu promossi u jibbenefikaw minn inċentivi speċifiċi għall-intrapriżi u l-attivitajiet ġestiti min-nisa.

6.6

F’ħafna pajjiżi l-inizjattiva ta’ gruppi ta’ nisa wasslet għal esperjenzi pożittivi ta’ agrituriżmu kooperattiv, b’riżultati ta’ ġestjoni eċċellenti. Fid-dawl tal-interess dejjem ikbar f’dan it-tip ta’ turiżmu, dawn l-attivitajiet għandhom jiġu promossi u l-aħjar prattiki għandhom jinfirxu.

6.7

Biex isir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u għall-attività tan-nisa (li ħafna drabi titwettaq fuq “plots” żgħar), it-tqassim għandu jkun ta’ kwalità għolja, funzjonali u flessibbli: il-kooperattivi lokali tad-distribuzzjoni, bi spejjeż kontrollati, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-bejgħ tal-prodotti tipiċi ta’ kwalità bi prezzijiet iżjed aċċessibbli. Anki l-avvenimenti speċifiċi għall-promozzjoni tat-tali prodotti kienu utli.

6.8

Huwa importanti li jiġu promossi l-prodotti artiġjanali u tipiċi li qed jintilfu. Il-miżuri mmirati ta’ informazzjoni u marketing jistgħu jgħinu biex jinżammu jew jinħolqu l-attivitajiet u l-impjiegi, għall-kuntrarju tal-eżodu rurali u d-deterjorament tal-kwalità minħabba l-importazzjoni tal-massa. U għalhekk huwa indispensabbli li jkun hemm interazzjoni effikaċi ta’ servizzi, teknoloġiji u trasport adegwat, li jikkollegaw iż-żoni rurali u agrikoli mas-swieq urbani (18).

6.9

Jeħtieġ li jittejjeb l-aċċess għall-kreditu biex jinħolqu intrapriżi u kooperattivi agrikoli u artiġjanali, bl-għoti tar-responsabbiltà lill-banek tradizzjonali (b’mod partikolari il-banek (“Casse”) agrikoli u l-banek tat-tfaddil lokali), iżda anke bil-promozzjoni tal-programmi tal-mikrokreditu, indirizzati l-ewwel nett lejn in-nisa.

7.   Il-politiki tal-UE u l-involviment tas-soċjetà ċivili

7.1

B’antiċipazzjoni tal-approvazzjoni tal-Proposta għal Regolament bid-dispożizzjonijiet komuni tal-Fondi Strutturali (19), infakkru li r-Regolament tal-FAEŻR jenfasizza l-ħtieġa li r-riżorsi tal-Fond jintużaw biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jipprevedi l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ korpi impenjati biex jintlaħaq dan l-għan (20). Ir-regolament komuni l-ġdid jista’ jissaħħaħ billi jintroduċi “fast track” (proċedura mħaffa) għan-nisa li jkollhom intrapriżi agrorurali jew artiġjanali innovattivi u sostenibbli. Dan jagħti iżjed saħħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti fis-sħubija kwotata fl-Artikolu 6 tat-test u jżid il-kapaċità li jagħmlu proposti.

7.2

Fir-rigward tal-Proposta għal Regolament komuni tal-Fondi, li diġà ġiet trattata mill-KESE (21), ġie kkonfermat li hemm tħassib kbir dwar l-effetti li jista’ jkollha l-kundizzjonalità makroekonomika (Artikolu 21) fuq il-proġetti mmirati lejn l-iżvilupp tal-inizjattivi favur in-nisa. Il-KESE jappella biex, permezz ta’ dispożizzjoni legali speċifika, jiġi evitat li jintlaqtu direttament jew indirettament l-iktar persuni dgħajfa, fosthom in-nisa.

7.3

Il-KESE jittama li l-Kummissjoni, minbarra l-impenn li diġà ġie żviluppat fil-proposti kwotati tintervjeni iżjed fil-ħin fir-rigward tal-bidliet u l-ħtiġijiet tan-nisa, b’tali mod li tiġi evitata r-riġidità fil-kontenut u l-metodoloġiji u l-programmi ta’ promozzjoni tal-kundizzjonijiet tan-nisa fl-ambitu agrorurali.

7.4

Parteċipazzjoni iżjed b’saħħitha u aħjar tan-nisa fl-iżvilupp agrorurali għandha tiġi integrata b’mod sistematiku anke fil-programmi Ewropej tar-riċerka u l-iżvilupp, tat-taħriġ (il-Fond Soċjali Ewropew iżda mhux biss dan il-fond) u tal-mobbiltà tal-ħaddiema, minbarra, naturalment, fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

7.5

L-istandards, il-programmi u l-proġetti relatati mat-twettiq tal-Pilastru II tal-PAK għandhom ikunu soġġetti għal verifiki perjodiċi fil-qafas tal-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-PAK biex tiġi żgurata l-effikaċja tat-twettiq tal-opportunitajiet indaqs u l-użu adatt tar-riżorsi li jintużaw.

7.6

Għandhom jiġu previsti wkoll sottoprogrammi tematiċi għan-nisa fl-ambitu tal-politiki tal-iżvilupp rurali u għandhom jiġu promossi u jinfirxu l-esperjenzi tal-programm Leader.

7.7

Biex jiġu żviluppati programmi li jintegraw bħala prijorità r-rilaxx tal-potenzjal rappreżentat min-nisa, it-territorju – fis-sens fiżiku, amministrattiv u soċjoloġiku – għandu jkun l-ewwel protagonista ta’ dinamika parteċipattiva. L-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu koresponsabbli l-ewwel nett għall-għażliet u l-implimentazzjoni tagħhom. Biex jagħmlu dan, iridu juru wkoll li huma kapaċi jirrappreżentaw b’mod konkret u effikaċi l-bżonnijiet tan-nisa u jkunu jafu jintegrawhom fil-livelli kollha tal-organizzazzjonijiet, u jikkunsidraw ukoll il-bini tal-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom.

7.7.1

Il-KESE jistieden lil kull organizzazzjoni rappreżentata minnu biex tiżviluppa attenzjoni kbira għan-nisa li jaħdmu u jgħixu f’ambjent agrikolu u rurali u biex tinterpreta l-ħtiġijiet tagħhom u l-aspirazzjonijiet tagħhom u biex tinkludihom b’mod sistematiku fid-diversi strutturi ta’ sħubija orizzontali u vertikali.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni.

(2)  Agriculture in the EU - Statistical and Economic Information - Rapport 2010, Marzu 2011.

(3)  P. 146, tabella 3.5.1.4. tar-rapport kwotat.

(4)  Deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2006, nru 2006/144/KE, perjodu ta’ programmar 2007/2013 – ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  P7_TA(2011)0122.

(6)  Fost oħrajn, insibu l-Opinjonijiet CESE, ĠU C 256, 27.1.2007, p. 144-149, CESE, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 49, CESE, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 41, CESE, ĠU C 376, 22.12.2011, CESE, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 35-39, CESE, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 116-129.

(7)  COM(2011) 615 final/2 u SWD 61 final, parti 1 u 2.

(8)  COM(2012) 79 final.

(9)  Pereżempju, il-Federazzjoni tal-Bdiewa Svediżi hija mmexxija minn mara li taħdem fl-agrikoltura.

(10)  92 % tat-territorju Ewropew huwa meqjus rurali u fih jgħixu madwar 56 % tal-popolazzjoni, li jipproduċu 45 % tal-valur miżjud tal-UE (informazzjoni kwotata fid-deċiżjoni tal-Kunsill kwotata fil-punt 2.1).

(11)  Il-Kummissjoni qed tħejji sensiela ta’ rapporti u studji dwar dan is-suġġett. Il-KESE jittama li ser tiddaħħal informazzjoni kwalitattiva u disaggregata iżjed preċiża.

(12)  Il-konferenza “Local agriculture and short food supply chains” (L-agrikoltura lokali u l-ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel), Brussell, 20 ta’ April 2012.

(13)  Sors: Eurostat.

(14)  Rapport tal-PAK 2010, tabella 3.5.1.4 (http://ec.europa.eu/agriculture/agrista/2010/table_en/index.htm)

(15)  Ħafna żoni agrikoli u rurali m’għandhomx strutturi universitarji u tar-riċerka: ta’ min ifakkar dwar id-deċiżjoni li tinħoloq Università f’Umeå (fl-Isvezja), f’territorju rurali u ftit żviluppat, li madankollu wasslet biex tingħata ħajja ġdida meta beda jitħaddem iċ-ċentru tal-istudji u riċerka.

(16)  It-tieni taqsima tad-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal, ikkwotata fil-nota 7 f’qiegħ il-paġna, tindika li n-nisa jużaw it-trasport pubbliku iżjed mill-irġiel.

(17)  Fil-Litwanja, in-nisa jgħixu medja ta’ 11-il sena iżjed mill-irġiel; fl-Estonja 10 snin, fil-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja 8 snin; fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja, 7 snin.

(18)  Ir-realtà tal-artiġjanat fl-ambitu rurali ġiet żviluppata sew fl-Opinjoni CESE, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 35-39.

(19)  COM(2011) 615 final/2.

(20)  Ara r-Regolament nru 1698/2005 tal-Kunsill, tal-20 ta’ Settembru 2005 (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1-40) Artikoli 6(1)(c); 62 (1)(b); 76(2)(a). (Mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  CESE, GU C 191, 29.6.2012, p. 30-37, b’mod partikolari l-punt 3.3.3


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: x’inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?”

2012/C 299/07

Relatur: is-Sinjura PICHENOT

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: x’inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’143 voti favur u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa konxju minn interess komuni f’relazzjonijiet iktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova u f’din l-opinjoni, wara il-missjoni tiegħu ta’ Marzu 2012 il-KESE għażel li jipproponi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin bil-għan li:

isaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili partikolarment bil-ħolqien ta’ Kumitat Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali tal-Moldova (KESAM),

jirnexxilu jilħaq ftehim ta’ kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA),

jirkupra mill-ġdid l-integrità territorjali tal-Moldova.

1.2

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-Kummissjoni u għall-Parlament Ewropew, il-Kumitat jirrakomanda li jintlaħaq ftehim ta’ kummerċ ħieles bilanċjat li jiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-fażijiet kollha tal-proċess. Sabiex jintlaħaq ftehim DCFTA, jeħtieġ li l-ħidma tal-Kummissjoni tiġi kkoordinata ma’ dik tas-SEAE. Il-Kumitat jissuġġerixxi li:

tiġi verifikata l-parteċipazzjoni tal-korpi tal-Moldova permezz ta’ aċċess għall-konsultazzjoni pubblika  (1) li għaddejja bħalissa u s-seduti pubbliċi u l-laqgħat ippjanati tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli,

tiġi organizzata konferenza dwar ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt mal-Parlament tal-Moldova, il-KESE u s-soċjetà ċivili Moldovana u li jkun hemm aġġornament regolari tal-informazzjoni dwar il-kontenut tan-negozjati mas-soċjetà ċivili,

tingħata attenzjoni sabiex jiġu identifikati l-impatti soċjali u ambjentali b’mod partikolari abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu saru fir-rapport dwar it-twettiq tal-Għanijiet tal-Millennju (2) sabiex jiġi rfinat il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli ta’ ftehim futur,

jitnieda studju dwar il-kundizzjonijiet tar-reintegrazzjoni tal-ekonomija tat-Transnistrija fil-proċess ta’ ftuħ kummerċjali,

jissaħħaħ l-isforz tat-taħriġ dwar l-implimentazzjoni effikaċi tal-acquis communautaire fil-qasam tal-kummerċ fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet soċjoprofessjonali u fost dawk li jaħdmu fix-xandir,

jitqiesu l-bżonnijiet ta’ assistenza teknika sabiex jiġu aġġornati l-istandards tal-acquis communautaire b’mod partikolari fil-qasam agroalimentari,

jiġu previsti miżuri ta’ akkumpanjament adegwati bi proċedura ta’ aġġustament mill-ġdid sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-benefiċċji kollha ta’ dħul reali fl-ekonomija Ewropea u jkun hemm attenzjoni partikolari għas-sigurtà tal-fruntieri esterni li tinkludi l-imsieħba li jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ ftehim,

jiġi ppjanat it-twaqqif ta’ kumitat konġunt ta’ monitoraġġ tal-ftehim kummerċjali u bil-għajnuna tal-Kumitat, tingħata għajnuna sabiex ikun hemm involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ ta’ DCFTA futur bl-użu tal-fondi għall-bini tas-soċjetà ċivili Moldovana,

jiġi żgurat involviment aħjar tal-imsieħba soċjali Moldovani fi ħdan il-forum dwar is-Sħubija tal-Lvant u jiġi introdott punt dwar il-kundizzjonijiet soċjali tal-ftehim fl-aġenda tal-ħames grupp ta’ ħidma tal-Isħubija tal-Lvant dwar id-“djalogu soċjali”,

jiġu mħeġġa l-kuntatti mas-soċjetà ċivili tat-Transnistrija bl-appoġġ tal-OSKE għall-involviment f’politiki bil-għan li jqarrbu lejn l-UE.

1.3

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Moldova, il-Kumitat iħeġġeġ il-gvern u l-Parlament li:

jinformaw firxa wiesgħa ta’ organizazzjonijiet tas-soċjetà dwar l-evoluzzjonijiet fil-qasam tat-tqarrib mal-UE u li jiġi favorizzat dibattitu pubbliku dwar it-tqarrib mal-UE mal-imsieħba soċjali u l-assoċjazzjonijiet ta’ interessi varji (il-bdiewa, il-konsumaturi, l-ambjentalisti, in-nisa, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem…),

jkomplu għaddejin bl-iskambju ta’ informazzjoni mal-partijiet interessati soċjoprofessjonali fil-Ministeri tal-Affarijiet Ewropej u li jżommu r-rwol ta’ osservatur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Parteċipazzjoni (CNP) vis-à-vis l-gvern,

jistabbilixxu Kunsill ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Moldova (KESAM) ibbażat fuq l-esperjenza li teżisti fil-UE jew fil-qafas tal-viċinat,

jinvolvu lill-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet mal-UE fl-oqsma tal-enerġija u r-riċerka,

isaħħu d-djalogu soċjali u jiżguraw li l-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa tiġi implimentata b’mod partikolari billi jiġu eliminati r-riżervi u jiġi adottat il-protokoll dwar il-mekkaniżmu għall-ilment kollettiv,

jagħtu l-ogħla prijorità lill-integrazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fis-suq tax-xogħol,

jikkontribwixxu għall-effikaċja tal-mekkaniżmi li jiġġieldu kontra l-korruzzjoni.

1.4

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Moldova, il-Kumitat jixtieq jibni r-relazzjonijiet tiegħu mas-soċjetà ċivili tal-Moldova fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant. Huwa jressaq dawn il-proposti quddiem is-soċjetà ċivili u lest jippreżentahom fil-Moldova matul konfereza bil-għan li tikkonkretizza l-pjattaforma Kuntatt mal-Poplu tas-Sħubija. Barra mill-ħolqien ta’ KESAM, il-KESE jirrakkomanda lill-imsieħba soċjali u lill-imsieħba tas-soċjetà ċivili li:

joħolqu rabtiet iktar mill-qrib mal-pjattaformi settorjali prinċipali Ewropej bħal dik tal-ġlieda kontra l-faqar jew mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-Istati Membri differenti kif ukoll permezz tal-istatus ta’ osservatur fi ħdan il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions,

isaħħu l-unitajiet ta’ monitoraġġ fi ħdan it-trade unions u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kummissjoni nazzjonali tal-ftehimiet kollettivi dwar il-kwistjonijiet Ewropej,

jiżviluppaw djalogu soċjali b’rispett lejn il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa,

jagħtu spinta lid-djalogu ċivili bi tħejjija għall-monitoraġġ tad-DCFTA,

jiżviluppaw għarfien espert fuq approċċi ekoloġiċi bħat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, il-marka tal-karbonju u s-servizzi tal-ekosistema.

2.   Is-soċjetà ċivili tal-Moldova f’rabtiet eqreb mal-Ewropa u s-Sħubija tal-Lvant

2.1

Is-soċjetà ċivili tal-Moldova qegħda tipparteċipa f’politika ta’ tqarrib mal-UE permezz ta’ ċerti mekkaniżmi li jeżistu. Jeżisti korp konsultattiv magħmul minn 30 membru, is-CNP li twaqqaf f’Jannar 2011 u li jaħdem mal-gvern filwaqt li jeżisti wkoll korp konsultattiv ieħor fil-Parlament. Il-konvenzjoni nazzjonali għall-integrazzjoni Ewropea li twaqqfet f’Novembru 2010 tiġbor bosta organizzazzjonijiet bil-għan li tfassal proposti u xxerred informazzjoni dwar il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sabiex tippermetti djalogu dirett u miftuħ mal-partijiet interessati. Barra minn hekk twaqqfu wkoll bosta pjattaformi tematiċi li jiġbru flimkien l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali.

2.2

L-organizzazzjonijiet tal-Moldova jipparteċipaw fil-gruppi differenti tal-forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant: demokrazija, drittijiet tal-bniedem, governanza tajba u stabbiltà; rakkomandazzjonijiet ġenerali; ambjent, enerġija u tibdil fil-klima; kuntatti interpersonali. Il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħames grupp ta’ ħidma dwar id-djalogu soċjali li jindirizza wkoll b’mod iktar ġenerali l-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali (3).

2.3

L-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’dan il-proċess ta’ tqarrib bejn l-UE u l-Moldova. L-indipendenza tat-trade unions rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni hija mnaqqxa f’liġi ta’ Lulju 2000 li tiggarantixxi l-libertà tat-trade unions, tan-negozjati kollettivi u l-ħarsien tal-attivitajiet tagħhom. Il-qasam tat-trade unions inbidel matul dawn l-aħħar snin: iż-żewġ trade unions li jeżistu, is-CSRM u s-Solidaritate, ingħaqdu flimkien biex jiffurmaw trade union ċentrali unika, il-Konfederazzjoni Nazzjonali tat-Trade Unions tal-Moldova (CNSM). Din ingħaqdet mal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions u bdiet tipparteċipa f’attivitajiet u laqgħat internazzjonali. Hija tista’ titlob ukoll l-istatus ta’ osservatur fi ħdan il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions.

2.3.1

L-organizzazzjoni ta’ min iħaddem l-iktar rappreżentattiva hija l-Konfederazzjoni Nazzjonali ta’ Min Iħaddem tal-Moldova li twaqqfet fl-1996; din hija magħmula minn 32 membru u tqis ruħha bħala organizzazzjoni indipendenti u mhux politika. L-aġenzija nazzjonali tal-impjieg tmexxi l-proġett “Mobility Partnership” bejn l-UE u l-Moldova sabiex l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol tal-Moldova sseħħ mingħajr xkiel. L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jipparteċipaw f’din l-integrazzjoni billi jimplimentaw id-deċiżjonijiet tal-proġett fil-livell lokali u reġjonali.

2.3.2

Għalhekk ikun utli li jissaħħu l-korpi li jipprovdu l-informazzjoni dwar id-DCFTA fi ħdan l-imsieħba soċjali, li jaħdmu f’kollaborazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom professjonisti Ewropej jew fl-Istati Membri.

2.4

Is-sitwazzjoni ta’ ċerti kategoriji tal-popolazzjoni għadha fraġli, b’mod partikolari fil-livell rurali. Id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni soċjali tolqot b’mod partikolari lin-nisa: rata għolja ta’ qgħad, nuqqas ta’ kwalifiki, pagi baxxi, xogħol staġjonali u benefiċċji soċjali dgħajfa. Id-drittijiet tan-nisa jixbhu lil dawk tal-irġiel iżda n-nisa huma iktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, in-nisa jiffurmaw biss 14 % tal-intraprendituri tal-Moldova. Il-popolazzjoni rurali għadha rappreżentata wisq fost il-persuni li jgħixu taħt il-linja tal-faqar (4) u l-proporzjon taż-żoni rurali foqra żdied fl-2009. Is-sitwazzjoni tat-tfal fil-Moldova, li huma esposti għal bosta perikli: nuqqas ta’ dar fissa, xogħol tat-tfal, traffikar u prostituzzjoni, hija preokkupanti. Il-fenomenu tal-“orfni soċjali”, jiġifieri t-tfal li l-familji jpoġġuhom f’orfanatrofji għal raġunijiet ta’ faqar, għadu għoli.

2.5

Il-mod kif jaħdmu l-mezzi tax-xandir tjieb matul dawn l-aħħar snin. Il-kunsill tal-koordinazzjoni tas-settur awdjoviżiv adotta metodoloġija ġdida ta’ monitoraġġ tal-kopertura politika fil-mezzi tax-xandir fl-aħħar ta’ Ottubru 2010 bl-għajnuna tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk inħolqu żewġ stazzjonijiet ġodda tat-televiżjoni fl-2010 (Jurnal TV u Publika TV) kif ukoll erba’ stazzjonijiet ġodda tar-radju (Radio Sport, Aquarelle FM, Publika FM u Prime FM). It-taħriġ tal-ġurnalisti fi kwistjonijiet Ewropej għandu jkun prijorità. Il-progress fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni jippermetti liċ-ċittadini u lill-qasam tan-negozju li jiġu infurmati aħjar dwar l-isfidi tat-tqarrib, b’mod partkolari l-bdiewa.

2.6

Minkejja l-progress li sar, is-soċjetà ċivili għad għandha diffikultajiet serji fejn tidħol l-organizzazzjoni. In-nuqqas ta’ ugwaljanza territorjali għadha teżisti: is-settur nongovernattiv huwa attiv fiċ-ċentri l-kbar: Chisinau, Balti, Cahul u Ungheni, iżda ftit li xejn huwa attiv f’reġjuni kbar tal-pajjiż. Għall-kuntrarju, it-trade unions għandhom kopertura territorjali aħjar. B’riżultat tad-diviżjoni persistenti, il-kooperazzjoni għadha limitata bejn iż-żewġ naħat tax-xmara Dniestr. Barra minn hekk l-NGOs jiddependu sew minn xi donaturi esterni u dan jista’ jhedded l-indipendenza u s-sostenibbiltà tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar in-netwerks tal-għarfien, anki jekk huma ta’ kwalità, huma bbażati fuq ċirku żgħir wisq ta’ speċjalisti billi l-lista tal-NGOs il-kbar li jeżistu ftit li xejn żdiedet matul dawn l-aħħar snin.

3.   Is-soċjetà ċivili u ftehim ġdid ta’ kummerċ ħieles profond u komprensiv ġdid (DCFTA)

3.1

Il-preparazzjoni ta’ DCFTA bejn l-UE u l-Moldova tikkonċerna l-oġġetti, is-servizzi u l-investimenti, iżda n-natura kompleta u approfondit tagħha twassal għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-acquis communautaire fil-qasam tal-kummerċ. Hija timplika akkumpanjament adegwat u riformi importanti. L-ekonomija tal-Moldova tbati minn nuqqas ta’ kompetittività li ġej minn fatturi differenti: infrastruttura tat-trasport dgħajfa (b’mod partikolari t-toroq), id-daqs żgħir tas-suq intern, ambjent li ftit li xejn huwa innovattiv, instabbiltà kronika tal-politika, aċċess diffiċli għall-finanzjament u l-korruzzjoni. L-esportazzjonijiet m’għadhomx ikkonċentrati biss lejn is-swieq post-Sovjetiċi. L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kummerċ estern lejn l-Ewropa hija reali: kważi nofs l-esportazzjonijiet imorru lejn din id-destinazzjoni. Dan ġej minn żieda fl-esportazzjonijiet tas-settur tat-tessuti (minn 10 % fl-1999 għal 22,7 % fl-2008) (5) li hija riżultat tal-prezz baxx tal-forza tax-xogħol kwalifikata.

3.2

Il-valutazzjoni tal-impatt dwar l-iżvilupp sostenibbli li għaddejja bħalissa flimkien man-negozjati u li għandha tiġi konkluża f’Settembru 2012, għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-konsegwenzi pożittivi u negattivi ta’ ftuħ kummerċjali bħal dan (6). Skont it-termini ta’ referenza tal-konsulent (7), il-KESE jrid jiġi kkonsultat dwar l-isfidi ta’ dawn in-negozjati kif ukoll dwar il-kontributi fil-konsultazzjoni pubblika. Barra minn hekk, huwa ser jagħti attenzjoni partikolari lid-“dokument ta’ pożizzjoni” li l-Kummissjoni ser tfassal wara li ssir din il-valutazzjoni tal-impatt u ser joqgħod attent għall-miżuri ta’ akkumpanjament.

3.3

Ir-riskji għall-UE marbutin mal-ftehim huma delimitati: huma jikkonċernaw essenzjalment l-istandards sanitarji u fitosanitarji u l-garanziji tal-investimenti. It-titjib li hemm bżonn fil-klima kummerċjali sabiex jiġbed investimenti Ewropej jiddependi minn ġlieda msaħħa kontra l-korruzzjoni. L-indiċi tal-perċezzjoni tal-korruzzjoni tal-2011 ipoġġi l-Moldova fil-112-il pożizzjoni dinjija b’2,9 punti minn 10 (8). L-istituzzjonijiet ikkonċernati huma ċ-Ċentru tal-Ġlieda Kontra l-Atti Kriminali Ekonomiċi u l-Korruzzjoni kif ukoll l-unità speċjali tal-prosekutur kontra l-korruzzjoni. Il-leġislazzjoni fis-seħħ hija adegwata iżda l-implimentazzjoni tal-politika kontra l-korruzzjoni għadha dgħajfa. Ta’ min jilmenta dwar in-nuqqas ta’ finanzjament tal-ħajja politika, l-attitudni pjuttost fatalista taċ-ċittadini u l-n-nuqqas ta’ involviment tas-soċjetà ċivili dwar dawn il-kwistjonijiet. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tagħmel parti mill-prijoritajiet prinċipali tad-donaturi internazzjonali (il-Kunsill tal-Ewropa, l-UE, is-SIDA, il-Bank Dinji, il-UNDP, il-USAID, eċċ.). Bosta koalizzjonijiet ta’ NGOs investew f’dan is-settur (iċ-Ċentru tal-Analiżi u l-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, Transparency International Moldova, l-Alleanza kontra l-Korruzzjoni jew iċ-Ċentru tal-Ġurnaliżmu Investigattiv). Il-bidla politika għadha s’issa ma wasslitx għal riżultati tanġibbli fil-qasam.

3.4

Id-DCFTA ser ikollu bosta riperkussjonijiet fil-qasam soċjali. F’dan il-qafas il-KESE jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali għall-iżvilupp tal-pajjiż. Huwa jirrakkomanda l-adozzjoni tal-protokoll dwar l-ilmenti kollettivi tal-Karta Soċjali tal-Kunsill Ewropew, it-titjib tal-ispezzjoni tax-xogħol u l-ħolqien ta’ tribunali tax-xogħol. L-awtoritajiet tal-Moldova qed jikkooperaw mal-ILO dwar il-kwistjoni tax-xogħol mhux iddikjarat sabiex jersqu lejn l-istandards Ewropej u jipparteċipaw fis-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet fl-2012. Barra minn hekk jeħtieġ li titjieb l-akkoljenza tal-migranti li jirritornaw il-Moldova u li jiġu promossi d-drittijiet tal-Moldovani fil-pajjiżi barranin. It-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol huma oqsma li għandhom jingħataw prijorità wkoll.

3.5

Is-settur agrikolu u agroalimentari huwa essenzjali fil-Moldova fin-negozjati tal-ftehim. L-agrikoltura tal-Moldova għandha tagħmel progress fiċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini, il-kontroll tal-konformità man-normi sanitarji u fitosanitarji u r-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni jekk tixtieq tesporta fis-swieq Ewropej u tiggarantixxi s-sikurezza alimentari tagħha. S’issa n-normi ġew adottati iżda l-implimentazzjoni effettiva tagħhom hija proċess twil u għali b’mod partikolari għall-prodotti li ġejjin mill-annimali (fl-2008 l-uniku prodott tal-annimali li seta’ jiġi esportat kien l-għasel). L-allinjament man-normi Ewropej jiġġeneraw spejjeż għoljin għall-produtturi ż-żgħar u l-awtoritajiet iridu jwettqu politika ta’ riformi istituzzjonali u ta’ għajnuna għas-settur agroalimentari u tal-inbid. Il-proġetti finanzjati mill-mekkaniżmu tal-Kummissjoni Ewropea “Għajnuna għall-Iżvilupp” ser ikollhom valur sabiex jinkiseb il-livell meħtieġ.

3.6

L-industriji li ilhom żmien sejrin lura jidhru li jistgħu jibbenefikaw minn kompetittività ta’ prezzijiet vantaġġużi fis-swieq Ewropej hekk kif turi l-progressjoni rapida tas-settur tat-tessuti. Din l-industrija ħafifa tista’ tkun ibbażata fit-territorju kollu, b’mod partikolari fir-reġjuni żvantaġġati tan-Nofsinhar. L-industrija tal-karozzi reċentement imxiet fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż bis-saħħa tal-investituri Ġermaniżi. Il-parteċipazzjoni tal-Moldova fl-Istrateġija tar-Reġjun tad-Danubju u l-immodernizzar ta’ impjanti industrijali kbar (b’mod partikolari dawk li jinsabu fuq in-naħa tal-lemin tad-Dniestr) ser ikunu assi għall-iżvilupp.

3.7

Biex jikkwalifika bħala ftehim approfondit u komplet, ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE jrid jinbena fuq il-kapaċità tal-Moldova li ssir konformi mal-acquis communautaire. Dan ir-rekwiżit iwassal għal appoġġ finanzjarju adegwat. L-esperjenza tat-tkabbir tas-suq intern uriet b’mod ċar ir-rwol fundmanentali tal-Fondi Strutturali biex tiġi assigurata l-koeżjoni soċjali u territorjali. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li jingħataw miżuri ta’ appoġġ ekwivalenti biex jonqos ir-riskju li d-diżugwaljanzi soċjali u d-diverġenzi territorjali jikbru. Għal dan il-għan, il-Kumitat ta’ segwitu tal-ftehim ser jagħti attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni tal-programm għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ENPARD.

3.8

Is-sitwazzjoni ekoloġika tal-Moldova tirrappreżenta problemi reali għall-futur (ħamrija, ilma, enerġija) li għandhom jitqiesu fil-qafas tan-negozjati dwar il-ftehim. Il-wirt Sovjetiku fil-qasam huwa problematiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-fdalijiet tossiċi. Il-perjodi ta’ nixfa ta’ dawn l-aħħar snin juru li l-ekonomija tal-Moldova hija vulnerabbli għad-degradazzjoni ambjentali u tal-klima. Barra minn hekk iktar minn nofs l-ilma ta’ taħt l-art huwa mniġġes u dan ikopri żewġ terzi tal-bżonnijiet tal-ilma tajjeb għax-xorb tal-popolazzjoni. Il-politika ambjentali hija milquta mid-dgħufijiet tar-riżorsi allokati minkejja impenji internazzjonali bħal dawk tal-BEI. Barra minn hekk jeżisti bżonn kbir ta’ sensibilizzazzjoni tal-atturi ekonomiċi kollha li ftit huma konxji mill-isfidi fl-oqsma tat-trasport u l-bini. Il-Moldova, li ngħaqdet fil-Komunità Ewropea tal-Enerġija, hija partikolarment dipendenti mill-importazzjonijiet tal-karburanti fossili filwaqt li l-effikaċja tal-enerġija tagħha għadha baxxa. Il-KESE ser jitlob li jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet ambjentali fl-oqsma tal-iffrankar tal-enerġija, l-użu razzjonali tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-iskart.

3.9

Fil-valutazzjoni tal-impatt għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tat-Transnistrija biex jiġu vvalutati l-effetti possibbli tad-DCFTA fuq is-sigurtà tal-fruntieri u l-effetti ekonomiċi u soċjali. Dan il-ftehim jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqsu d-differenzi interni u tiġi assigurata l-integrità territorjali.

4.   Proposta għall-ħolqien ta’ Kunsill ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Moldova

4.1

Sabiex iħeġġeġ il-progress tas-soċjetà ċivili lejn iktar djalogu u konsultazzjoni, il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta’ Kunsill ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Moldova (KESAM) abbażi ta’ dak li sar f’pajjiżi oħra fir-reġjun. Studju tad-diversi esperjenzi Ewropej ser jippermetti li l-Moldova ssib it-triq tagħha fil-proċess.

4.2

Il-proċess tal-KESAM ser jirrispondi għall-bżonn ta’ strutturazzjoni tas-soċjetà ċivili u ser isaħħaħ l-influwenza u r-rilevanza tagħha. Il-multiplikazzjoni attwali tal-istrutturi ad hoc toffri qafas flessibbli u sperimentali iżda d-dewmien tagħhom mhuwiex ċert u t-tħaddim tagħhom fraġli. Jekk jitpoġġew ħdejn xulxin il-pożizzjonijiet tal-imsieħba soċjali u dawk tal-assoċjazzjonijiet jew l-NGOs, joħroġ li dawn tal-aħħar huma inqas viżibbli fid-dibattitu pubbliku.

4.3

Il-KESAM ikun kontribut interessanti sabiex jintlaħaq kunsens dwar l-għażliet tas-soċjetà billi jippermetti li jitqiesu l-interessi differenti fil-mudell tal-iżvilupp. Ħidma komuni bbażata fuq il-konsultazzjoni għandha tinbena madwar it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli. Dan pass importanti favur strateġija vijabbli ta’ integrazzjoni mill-ġdid tat-Transnistrija.

4.4

KESAM jippermetti li tiġi garantita l-indipendenza tal-istudji li jsiru billi dawn jitħarsu mill-kwistjonijiet partiġjani u separati mill-oriġini tar-riżorsi filwaqt li jippermettu konfrontazzjoni bejn fehmiet differenti. Barra minn hekk hemm bżonn li jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini u r-reliġjon.

4.5

KESAM tal-Moldova jirrispondi għall-bżonn ta’ valutazzjoni tal-politiki pubbliċi marbuta mal-ammissjoni tal-acquis communautaire. Din l-istituzzjoni tista’ tilqa’ l-kumitat ta’ segwitu tal-ftehim kummerċjali flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  DĠ Kummerċ, Konsultazzjoni dwar Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi/UE – Moldova 2012

(2)  Nazzjonijiet Uniti, It-tieni rapport dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, Repubblika tal-Moldova 2010.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-Sħubija tal-Lvant”, REX 323, 16.6.2011, Opinjoni tal-KESE dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”, REX 340, 7.12.2011

(4)  Statistika dwar il-Moldova, fis-sit “Rural Poverty Portal”: http://www.ruralpovertyportal.org/web/guest/country/statistics/tags/moldova

(5)  Florent Parmentier, Moldova, a Major European Success for the Eastern Partnership? (Il-Moldova, suċċess Ewropew kbir għas-Sħubija tal-Lvant?), Fondazzjoni Robert Schuman, 22.11.2010, http://www.robert-schuman.eu/doc/questions_europe/qe-186-en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”, CESE 818/2011, 5.5.2011.

(7)  “Trade Sustainability Impact Assessment in support of negotations of DCFTAs between the EU and respectively Georgia and the Republic of Moldova” (Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà tal-Kummerċ b'appoġġ għan-negozjati tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ġeorġja u l-Moldova rispettivament), Ecorys, 6 ta’ Frar 2012.

(8)  Kummissjoni Ewropea, “Rapport ta’ Progresss tal-Pajjiż PEV - Repubblika tal-Moldova”, Memo, Brussell, 15.5.2012


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù”

2012/C 299/08

Relatur: is-Sur IULIANO

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Peress li ma kienx possibbli li jitlestew in-negozjati ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-pajjiżi kollha li jiffurmaw ir-reġjun Andin, fuq talba tal-Kolombja u tal-Perù, l-UE ddeċidiet li tkompli t-triq tat-trawwim ta’ relazzjonijiet kummerċjali ġodda ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi. In-negozjati ntemmu f’Mejju 2010 u l-Ftehim Kummerċjali Multilaterali (FKM) ġie approvat mit-tliet partijiet fl-24 ta’ Marzu 2011 u ffirmat uffiċjalment fit-13 ta’ April 2011. Bħalissa l-Ftehim jinsab quddiem il-Parlament Ewropew, li jrid jiddeċiedi jekk japprovahx jew jirrifjutahx, mingħajr il-possibbiltà li jintroduċi emendi. F’din il-fażi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) qed jesprimi l-fehma tiegħu u sensiela ta’ linji gwida għall-atturi kollha involuti, li jridu jitqiesu f’każ li l-Ftehim jiġi approvat u ratifikat (1).

1.2   Il-KESE jemmen li FKM tal-UE mal-Kolombja u mal-Perù jista’ jkun strument pożittiv kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-pajjiżi Andini involuti. L-Ekwador u l-Bolivja eventwalment għandhom ikunu lesti jerġgħu lura għan-negozjati. Il-FKM jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tkabbir, kompetittività u xogħol deċenti minħabba li l-kummerċ huwa mekkaniżmu importanti biex jiġi appoġġat l-iżvilupp u biex jittaffa l-faqar. Madankollu, ir-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu għandhom jiġu valutati b’reqqa, trasparenza u b’mod globali, fl-interess tal-partijiet kollha. Għal dan il-għan, is-soċjetà ċivili tista’ u għandha taqdi rwol fundamentali.

1.3   Fil-proċess tan-negozjati ta’ dan il-FKM, ġie nnutat li ma kienx hemm biżżejjed djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata tal-pajjiżi involuti. Biex, a posteriori, jirranġa dan in-nuqqas u jinvolvi lis-soċjetà ċivili b’mod istituzzjonalizzat, wara d-diskussjonijiet li saru matul il-missjoni li għamel dan l-aħħar fil-Kolombja u l-Perù ma’ rappreżentanti istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili organizzata taż-żewġ pajjiżi, il-KESE ppropona li jiġi stabbilit Kumitat Konsultattiv Konġunt magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Ewropea, Peruvjana u Kolombjana, b’funzjonijiet konsultattivi dwar oqsma li jaffettwaw id-drittijiet umani, l-iżvilupp sostenibbli u l-valutazzjoni tal-impatti settorjali tal-FKM. Dan il-Kumitat Konsultattiv Konġunt ser jistabbilixxi għadd ta’ oqsma li jrid jimmonitorja (2), u jkun jista’ jiġi kkonsultat dwar dawn l-oqsma mill-partijiet firmatarji jew joħroġ opinjonijiet, rakkomadazzjonijiet jew studji fuq inizjattiva proprja. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jorganizza laqgħa annwali mal-korp li jirrappreżenta lill-partijiet, ħlief jekk bi qbil komuni jiġi stabbilit mod ieħor. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jkun kompatibbli mal-laqgħa miftuħa għas-soċjetà ċivili u l-poplu inġenerali, prevista fl-Artikolu 282 tal-Ftehim. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jkun jista’ jinnegozja mal-partijiet il-possibbiltà li jiġu stabbiliti indikaturi dwar l-impatt settorjali tal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Il-mekkaniżmi li diġà ġew approvati fi ftehimiet tal-UE li saru fil-passat ma’ pajjiżi u reġjuni tad-dinja oħrajn jistgħu jservu ta’ referenza għall-ftuħ ta’ spazju konsultattiv ta’ dan it-tip.

1.4   Il-KESE jqis li huwa importanti li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Kolombjan u dak Peruvjan, u jilqa’ bi pjaċir ir-riżoluzzjoni approvata mill-Parlament Ewropew li tista’ twassal għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi parlamentari ta’ monitoraġġ simultanju tal-impenji meħuda. Dan jikkonċerna b’mod partikolari s-sitwazzjoni tad-drittijiet umani, l-aġenda dwar ix-xogħol deċenti tal-ILO għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-trejdjunjins, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-immigrazzjoni legali b’garanziji, il-ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll l-implimentazzjoni possibbli tar-rikors għall-kummissjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim.

1.5   Il-KESE jqis li permezz ta’ korp konsultattiv ta’ dan it-tip, tkun tista’ tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-FKM, il-konsultazzjoni ssir istituzzjonalizzata, jiġi influwenzat l-iżvilupp tiegħu, jiġu indirizzati l-isfidi li jitfaċċaw, tiġi żgurata komunikazzjoni fluwida u diretta ma’ dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u jitfasslu rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-konsegwenzi pożittivi jew negattivi tal-applikazzjoni tiegħu.

1.6   F’Mejju 2012, delegazzjoni tal-KESE żaret il-Kolombja u l-Perù. Il-missjoni kienet waħda pożittiva fid-dawl tal-għadd u l-livell tal-partijiet intervistati u tal-interess tal-informazzjoni miġbura, li kkontribwixxew biex il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żewġ pajjiżi jiġu riflessi f’din l-opinjoni u biex titfassal il-proposta għall-ħolqien ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-FKM. Din l-opinjoni tanalizza l-problemi ewlenin li għandhom il-Kolombja u l-Perù, li jridu jiġu monitorjati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   L-Unjoni Ewropea għandha relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li qed jikbru mar-reġjun Andin, u b’mod partikolari mal-Kolombja u l-Perù. Illum, l-Ewropa hija t-tieni l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-pajjiżi Andini, wara l-Istati Uniti. Il-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi Andini kiber b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin: il-flussi bilaterali żdiedu minn EUR 9 100 miljun fis-sena 2000 għal EUR 15 800 miljun fl-2007, b’rata ta’ tkabbir annwali medja ta’ 8,25 % (3). Fl-2010, il-kummerċ bilaterali tal-merkanzija bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù kien ta’ EUR 16 000 miljun.

2.2   Il-partijiet involuti fil-Ftehim Kummerċjali bnew rabtiet li jmorru lil hinn minn dawk ekonomiċi u nfetħu għal oqsma bħad-djalogu politiku, il-kultura, l-edukazzjoni u x-xjenza, fost oħrajn. L-UE immonitorjat il-proċessi ta’ transizzjoni demokratika u kkontribwixxiet għad-difiża tad-drittijiet fundamentali, billi ħadet impenji ta’ solidarjetà li l-KESE jilqa’ bi pjaċir u jappoġġja.

2.3   Qabel il-Ftehim preżenti kien hemm il-Ftehim ta’ Djalogu Politiku u ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Komunità Andina u l-pajjiżi membri tagħha min-naħa l-oħra, konkluż fl-2003, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi li ħadu l-partijiet bħala membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (4).

2.4   Il-FKM ser jippermetti d-dħul ta’ merkanzija u prodotti mill-partijiet fis-swieq nazzjonali rispettivi bi tnaqqis sinifikanti ta’ dazji. Is-settur industrijali tal-Kolombja u l-Perù ser igawdi minn aktar flessibbiltà fil-kriterji tad-dħul għal bosta mill-prodotti tagħhom meta mqabbla mar-regoli aktar restrittivi taħt l-SĠP+ (5). Fost setturi oħra, ġew negozjati skambji fil-petrokimika, il-plastik, it-tessuti u l-ħwejjeġ, il-prodotti tas-sajd, il-banana, iz-zokkor u l-kafè. Barra minn hekk, ser ikun importanti l-monitoraġġ tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-FKM għas-setturi agrikoli tal-partijiet, f’oqsma bħad-denominazzjonijiet tal-oriġini, il-klawżoli ta’ salvagwardja u l-mekkaniżmi għall-istabbilizzazzjoni tas-setturi, li għandhom jiġu monitorjati u valutati. Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir ir-referenzi għall-importanza tal-kummerċ għal żvilupp sostenibbli u għall-promozzjoni ta’ kummerċ ġust u ekwu. (6)

2.5   Minħabba l-livelli għoljin ta’ ekonomija informali kemm fil-Perù kif ukoll fil-Kolombja, li fost l-aktar effetti serji tagħha nsibu r-rati għoljin ta’ xogħol informali rreġistrati fil-pajjiżi Andini, il-Kumitat jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istandards tax-xogħol fil-Kolombja u l-Perù. Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa hija partikolarment diffiċli peress li għal dawn, il-qgħad u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma agħar. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jinkludu perspettiva dwar is-sessi u jagħtu attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol taż-żgħażagħ, peress li n-nisa u ż-żgħażagħ iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi (7). Barra minn dan, il-KESE jtenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti u jitwettqu miżuri konkreti u effikaċi għall-qerda progressiva tat-tħaddim tat-tfal, li huwa fenomenu inkwetanti li jolqot liż-żewġ pajjiżi.

2.6   Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u l-Perù, anke d-drittijiet marbutin max-xogħol u t-trejdjunjins, tikkawża tħassib kbir għall-poplu Kolombjan u dak Peruvjan u għas-soċjetà ċivili Ewropea. Il-KESE jinsab sodisfatt li fl-Artikolu 1 tal-FKM jingħad b’mod ċar li l-ksur tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali jista’ jwassal għas-sospensjoni temporanja jew definittiva tal-Ftehim. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll l-impenji meħuda mill-partijiet li jirrispettaw il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO fl-Artikolu 269(3) tad-dokument (8) u jittama li dawn jiġu rispettati bis-sħiħ matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-Ftehim.

2.7   F’diversi okkażjonijiet, il-KESE wera l-viżjoni tiegħu dwar kif jixtieq li jiżviluppaw in-negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali. Fil-fehma tiegħu, il-ftehimiet bilaterali għandhom ikunu kompatibbli mal-multilateraliżmu (9). Il-KESE jemmen li n-negozjati bilaterali m’għandhomx iwasslu biex l-UE tnaqqas il-livelli li tesiġi fl-oqsma soċjali, ambjentali u tax-xogħol. Dawn id-dimensjonijiet għandhom jitqiesu bl-istess mod kif titqies id-dimensjoni ekonomika, u għandhom jinstabu mekkaniżmi biex jiġu armonizzati matul l-applikazzjoni tal-ftehimiet.

2.8   Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-esperjenza normalment turi b’mod ċar li rwol attiv tas-soċjetà ċivili matul l-applikazzjoni tal-ftehimiet jippermetti li jiġu identifikati msieħba potenzjali rilevanti fil-pajjiżi involuti, li jiġu stabbiliti relazzjonijiet li jgawdu minnhom il-partijiet kollha u li tiġi faċilitata r-riżoluzzjoni ta’ xi tilwim li jista’ jinqala’. It-talba għal dimensjoni soċjali fil-ftehimiet tal-UE li ġew negozjati jew li qed jiġu negozjati, hija pożizzjoni li l-Kumitat diġà stabbilixxa u li kienet parti minn opinjonijiet oħrajn tal-KESE (10).

2.9   F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE diġà vvaluta b’mod pożittiv id-deċiżjoni tal-UE li tistabbilixxi Valutazzjonijiet tal-Impatt tas-Sostenibbiltà (VIS), li jagħmluha possibbli li jiġu ppreżentati proposti u li jiġu stabbiliti miżuri korrettivi li jżidu kemm jista’ jkun l-effetti pożittivi u jnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi possibbli ta’ ftehim kummerċjali. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu biex il-VIS isiru bis-sehem sħiħ tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi garantit li l-impenji meħuda jinżammu, li r-riskji jitnaqqsu kemm jista’ jkun u li jissaħħu l-opportunitajiet tal-ftuħ tal-kummerċ (11).

2.10   Il-KESE ma jistax ma jsemmix li n-negozjar tal-Ftehim mal-Kolombja u l-Perù kien soġġett għal kritiki u mistoqsijiet minn organizzazzjonijiet soċjali u tal-moviment tat-trejdjunjins (12) tal-partijiet. Il-KESE jaqbel magħhom b’mod partikolari rigward it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili matul il-proċess ta’ negozjar. Għaldaqstant jilqa’ bi pjaċir l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew li tenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ segwitu bis-sehem tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili matul l-applikazzjoni tal-FKM (13).

2.11   Mil-lat tas-soċjetà ċivili, il-Kumitat jemmen li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiffaċilitaw bidliet li, fost affarijiet oħra, għandhom jgħinu l-iżvilupp tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi, jesiġu li l-intrapriżi Ewropej japplikaw il-prattiki tax-xogħol tal-pajjiżi ta’ oriġini, joħolqu postijiet tax-xogħol ta’ kwalità u b’garanziji, jgħinu l-iżvilupp tan-negozjar kollettiv, jgħinu fil-monitoraġġ mill-qrib tal-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ekonomija u l-impjieg informali. Għandhom jgħinu wkoll fil-qerda ta’ kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u jippermettu titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popli tagħhom, b’mod partikolari ta’ dawk inqas vantaġġati.

2.12   Il-KESE jemmen li l-FKM jistabbilixxi artikoli - fosthom l-Artikolu 1 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-Artikolu 282 dwar is-sehem tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew l-Artikolu 286 dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt - li jippermettu parteċipazzjoni istituzzjonalizzata, rappreżentattiva u awtonoma fuq skala żgħira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ partijiet (14), permezz tal-ħolqien ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt bħala forum miftuħ għas-soċjetà Peruvjana, Kolombjana u Ewropea kollha.

2.13   Il-KESE jittama li dan il-FKM ser jgħin lill-firmatarji biex jindirizzaw il-problemi soċjoekonomiċi l-aktar urġenti, bħall-faqar, l-inugwaljanzi soċjali u l-vjolenza, u ser jippermetti t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popli tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk inqas vantaġġati, u għaldaqstant iqis indispensabbli li s-soċjetajiet ċivili tat-tliet partijiet ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv fl-applikazzjoni tal-Ftehim u fil-valutazzjoni tal-impatt tiegħu.

2.14   Fix-xahar ta’ Mejju tal-2012, delegazzjoni tal-KESE żaret il-Kolombja u l-Perù. Il-missjoni kienet waħda pożittiva fid-dawl tal-għadd u l-livell tal-partijiet intervistati u tal-interess tal-informazzjoni miġbura, li kkontribwixxew biex il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili taż-żewġ pajjiżi rigward il-FKM jiġu riflessi f’din l-opinjoni u biex titfassal il-proposta għall-ħolqien ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-soċjetà ċivili għall-monitoraġġ tal-Ftehim. Permezz tal-missjoni, ġie nnutat l-istat attwali tal-problemi soċjali, tax-xogħol u ekonomiċi taż-żewġ pajjiżi u l-isfiduċja tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (ħlief għall-organizzazzjonijiet intraprenditorjali li jappoġġjaw il-ftehim fiż-żewġ pajjiżi) rigward il-kapaċità kemm tal-gvernijiet tagħhom kif ukoll tal-Ftehim li jikkontribwixxu biex jissolvew dawn il-problemi. Il-missjoni ħarġet fid-dieher id-distanza li tissepara l-viżjoni tal-gvernijiet li jsostnu li wettqu konsultazzjonijiet u attivitajiet ta’ informazzjoni wesgħin u l-perċezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (15).

2.15   L-opinjoni tindika wħud mill-problemi ewlenin taż-żewġ pajjiżi firmatarji tal-Ftehim li jridu jiġu monitorjati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-partijiet involuti. Fil-Kolombja toħroġ l-importanza tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bl-aspetti pożittivi u negattivi tagħha, il-ksur tad-drittijiet tat-trejdjunjins, l-istat tal-applikazzjoni tal-liġi dwar kumpensi għall-vittmi u r-restituzzjoni tal-artijiet u l-problema tal-impunità. Fil-Perù ġiet analizzata s-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi, l-aktar fil-mini, il-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal, l-emigrazzjoni lejn l-Ewropa u d-drittijiet tal-popli indiġeni.

2.16   Il-KESE jitlob lill-partijiet involuti biex, f’konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u idealment permezz ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt, jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni komplementarju għall-FKM, vinkolanti u trasparenti dwar id-drittijiet umani, ambjentali u tax-xogħol. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jistabbilixxi miri ċari, marbutin biż-żmien u bbażati fuq ir-riżultati għal kull wieħed mill-oqsma msemmija hawn fuq. Dwar dan, il-KESE jaqbel mat-talbiet tal-punt 15 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2012.

3.   Il-kolombja

3.1   Id-drittijiet tal-bniedem: lati sbieħ u koroh

3.1.1   F’Awwissu tal-2010 tela’ gvern ġdid. Dan huwa mmexxi mill-President Santos, li adotta bidla fit-ton rigward kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem. Il-viċi president huwa Angelino Garzón, eks-segretarju ġenerali tas-Central Unitaria de Trabajadores (CUT) u eks-Ministru tax-Xogħol, li b’konformità mad-direzzjoni tiegħu, qed jagħfas favur politika ta’ tisħiħ tad-djalogu soċjali nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-President Santos rigward id-drittijiet tal-bniedem hija differenti minn dik li kellha l-amministrazzjoni tal-President ta’ qablu s-Sur Uribe. Minflok l-użu ta’ retorika iebsa li jitfa’ lil dawk li jaqbżu għad-drittijiet tal-bniedem f’periklu reali, il-gvern rattab it-ton tiegħu u qed iwettaq azzjonijiet għall-promozzjoni tad-djalogu. Għall-ewwel darba rrikonoxxa l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern u jidher li qed jaqbad it-triq lejn ir-riżoluzzjoni definittiva tiegħu.

3.1.2   Il-Kolombja qed tbati l-konsegwenzi ta’ kunflitt intern gravi li ħakem lill-pajjiż għal aktar minn 60 snin. Kunflitt armat li fih diversi atturi huma fl-istess waqt sors ta’ vjolenza u protagonisti tagħha. U minkejja l-isforzi li saru mill-gvern, kif tagħraf Amnesty International, is-sitwazzjoni għadha kumplessa ħafna (16).

3.1.3   Fil-Kolombja, l-aktar grupp gwerilla antik tal-kontinent, il-Fuerzas Armadas Revolucionarias de Colombia (FARC) għadu attiv. Kemm il-FARC kif ukoll l-Ejército de Liberación Nacional (ELN) qed ikomplu jirreklutaw suldati bniet u subien biex jużawhom fil-kunflitt armat u f’ħafna żoni ferrxu mini antipersunal, filwaqt li kisbu wkoll finanzjament permezz tar-rabtiet li stabbilixxew fit-traffikar tad-drogi. Wara r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kolombja hija l-pajjiż li għandu l-ogħla għadd ta’ suldati tfal (17).

3.1.4   Bejn 1,5 u 3 miljun persuna ġew imċaqalqa mill-post fejn normalment joqogħdu u jaħdmu. Fi Frar 2012, il-FARC ħabbru li kienu se jwaqqfu l-ħtif tal-persuni u ħelsu 10 ostaġġi militari. Madankollu, xorta waħda għadhom qed iżommu għadd mhux magħruf ta’ persuni ċivili (18).

3.1.5   Għal ħafna snin, b’mod speċjali mis-sebgħinijiet, ġew issagrifikati għadd kbir ta’ bdiewa, ħaddiema, trejdjunjonisti, għalliema, attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u mexxejja ta’ organizzazzjonijiet soċjali fil-livell lokali, muniċipali u rurali, fost oħrajn. Skont l-Escuela Nacional Sindical (skola nazzjonali tat-trejdjunjins), NGO rikonoxxuta għall-ħidma tagħha għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u dawk trejdjunjonistiċi, l-għadd ta’ trejdjunjonisti maqtula mill-1986 ’l hawn huwa ’l fuq minn 2 900. It-traffikar tad-drogi għadu attività illegali frekwenti, b’netwerks mifruxin mat-territorju nazzjonali u li għandhom konnessjonijiet internazzjonali. It-tentattivi biex il-problema tinqered permezz ta’ mezzi militari ta’ sikwit wasslu biex kompliet tiggrava l-kobba ta’ vjolenza. Għadd kbir ta’ membri tal-forzi armati u tas-sigurtà ġew akkużati minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bil-qtil ta’ persuni, li dwarhom intqal li kienu parti mill-gwerilla, il-każijiet hekk imsejħa “pożittivi foloz” (19).

3.1.6   Fil-kuntest attwali tas-soċjetà Kolombjana, in-nisa għadhom ibatu minn inugwaljanzi u diskriminazzjoni. L-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel teżisti: fil-kuntest tal-familja, b’livelli għoljin ta’ vjolenza bejn is-sessi; fil-kuntest ekonomiku, b’rata għolja ta’ qgħad, popolazzjoni tan-nisa li qed jaħdmu b’mod informali li qed tiżdied (57 %) u d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi li għadhom jippersistu; u fil-kuntest politiku, b’rappreżentanza ta’ nisa baxxa fl-ogħla livelli tat-teħid ta’ deċiżjoni.

3.1.7   Skont rapporti mill-federazzjonijiet tat-trejdjunjins ewlenin tal-pajjiż (CUT, CTC, CGT), id-djalogu soċjali, li ġie affettwat ħafna mill-gvernijiet ta’ qabel, għadu ma rreġistrax biżżejjed bidliet li jwasslu għal tendenzi pożittivi. Il-konfederazzjonijiet isostnu li n-nuqqas ta’ djalogu soċjali kkontribwixxa għal tnaqqis fir-rata ta’ persuni li jissieħbu fit-trejdjnujins minn 14 % għal 4 %. Ta’ min isemmi li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tat-trejdjunjins fil-Kolombja kienet qed tiġi osservata mill-qrib mill-ILO (20) f’dawn l-aħħar snin; din l-organizzazzjoni wettqet għadd ta’ missjonijiet ta’ investigazzjoni u għandha unità permanenti fil-pajjiż biex timmonitorja l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u tat-trejdjunjins. Fl-2011, inqatlu 29 mexxej u attivist tat-trejdjunjins. F’ħafna każijiet, dawk responsabbli huma l-paramilitari “demobilizzati”. Saru attentati ta’ qtil fuq għaxar attivisti oħra fit-trejdjunjins, filwaqt li Daniel Aguirre, Segretarju Ġenerali tas-Sindicato Nacional de Corteros de Caña (it-trejdjunjin nazzjonali ta’ dawk li jaqtgħu l-kannamieli) inqatel fis-27 ta’ April 2012, biex b’hekk l-għadd ta’ trejdjunjonisti li nqatlu dis-sena tela’ għal sebgħa.

3.1.8   Żvilupp pożittiv li tajjeb li jissemma huwa ż-żieda fil-persunal tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali nazzjonali assenjat biex isolvi dawn ir-reati kriminali u d-delitti. Barra minn hekk, fuq inizjattiva tal-prosekutur ġenerali nazzjonali, il-Kungress Nazzjonali approva riforma tal-Artikolu 200 tal-Kodiċi Penali li permezz tagħha ser jiżdiedu s-sentenzi ta’ ħabs u l-multi għal dawk li jwaqqfu jew jiddisturbaw laqgħat tat-trejdjunjins jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tax-xogħol, u għal min iwettaq ritaljazzjoni kontra strajks, laqgħat jew assoċjazzjonijiet leġittimi (21). F’Jannar 2012, il-prosekutur ġenerali nazzjonali u l-Escuela Nacional Sindical waslu għal ftehim biex jiskambjaw informazzjoni u jaħdmu lejn l-iżvilupp ta’ metodoloġija waħda biex jiġu definiti, identifikati u dokumentati d-delitti kontra membri ta’ organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins.

3.1.9   Madankollu, minkejja li l-klima ta’ vjolenza fil-pajjiż naqset, għadhom qed isiru atti ta’ terroriżmu: fl-istess jum li daħal fis-seħħ it-trattat ta’ kummerċ ħieles mal-Istati Uniti fil-15 ta’ Mejju 2012, sar attentat kontra l-eks-Ministru Hoyos li fih tilfu ħajjithom żewġ skorti tiegħu u weġġgħu 49 persuna.

3.1.10   Il-Liġi dwar il-Vittmi u r-Restituzzjoni tal-Art. Din il-liġi, approvata fl-2011, tirrikonoxxi li jeżisti kunflitt armat u d-drittijiet tal-vittmi. Hija tipprevedi kumpens għas-superstiti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jsiru minn uffiċjali tal-Istat. L-applikazzjoni tagħha s’issa kienet irregolari u mhux kompleta iżda tirrappreżenta bidla importanti għall-vittmi li s’issa ma ġew rikonoxxuti bl-ebda dritt. Matul il-missjoni li saret mill-KESE, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lmentaw dwar it-theddid li qed jirċievu persuni jew komunitajiet li ngħatatilhom lura l-art. Id-delegazzjoni tal-KESE ġiet mgħarrfa mill-Ministeru għall-Agrikoltura dwar l-istabbiliment ta’ qrati għar-restituzzjoni tal-artijiet mogħtija permezz ta’ proċedimenti legali qarrieqa. Dawn tal-aħħar iffaċilitaw is-sjieda ta’ artijiet mixtrija bi prezzijiet baxxi ħafna, li wassal biex il-bdiewa sidien ta’ dawn l-artijiet ġew imġiegħla jitilqu bil-forza; f’ħafna każijiet dawn l-artijiet kienu destinati għat-tkabbir illegali tad-drogi. Barra minn hekk, qed joffru miżuri ta’ protezzjoni għall-familji li reġgħu lura għall-artijiet konfiskati taħt il-pressjoni tal-gwerilla, li b’dan il-mod riedet tikkontrolla t-territorji.

3.1.11   L-impunità - problema endemika fil-Kolombja. Sar ċertu progress f’investigazzjonijiet ċentrali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar l-iskandlu tal-“parapolitika”, li kixfu r-rabtiet illegali bejn il-leġislaturi u l-gruppi paramilitari. Ġew investigati aktar minn 120 persuna li qabel kienu membri tal-Parlament, u madwar 40 minnhom insabu ħatja (22). Iżda fi Frar 2012 ġiet annulata l-ħatra tal-prosekutur ġenerali nazzjonali (23) li kienet responsabbli mill-investigazzjoni tal-każijiet ewlenin ta’ korruzzjoni u kontra l-paramilitari, it-traffikanti tad-droga u l-gwerilli, u li kienet impenjata bil-qawwi biex ittemm l-impunità. L-investigazzjonijiet li saru kixfu r-rabtiet li kellu d-DAS (dipartiment tal-amministrazzjoni tas-sigurtà) mal-paramilitari, kif ukoll ir-responsabbiltà diretta tiegħu f’ħafna każijiet ta’ theddid u qtil ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, maġistrati, ġurnalisti, trejdjunjonisti u avukati (24). F’Ottubru 2011 il-gvern ħabbar ix-xoljiment tad-DAS u l-ħolqien ta’ aġenzija ġdida tal-intelligence.

3.1.12   Il-gvern ippropona riforma kontroversjali tal-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni li għall-bidu għandha tagħti lill-qrati militari l-kontroll tal-investigazzjonijiet dwar każijiet eventwali ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li saru minn membri tal-forzi tas-sigurtà. Ir-riforma għandha tistabbilixxi l-prinċipju li r-reati kollha li jkunu saru minn membri tal-forzi pubbliċi matul operazzjonijiet u/jew proċeduri jkunu “marbutin mas-servizz” u għaldaqstant ikunu soġġetti, almenu għall-ewwel, għall-ġurisdizzjoni militari. F’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni Interamerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-Nazzjonijiet Uniti ġibdu l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ imparzjalità u indipendenza tal-qrati militari, li tneħħi l-kredibilità tad-deċiżjonijiet tagħha (25). Il-forzi armati u tas-sigurtà Kolombjani ġew akkużati ripetutament b’eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kolombja jikkalkula li aktar minn 3 000 persuna sfaw vittmi ta’ dawn il-każijiet ta’ qtil minn aġenti tal-Istat bejn l-2004 u l-2008. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-każijiet naqsu konsiderevolment, iżda l-prattika għadha ma waqfitx kompletament (26). Diversi organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali talbu lill-President Santos biex jirtira l-emenda proposta (27).

3.1.13   B’kuntrast mal-opinjonijiet ta’ qabel, mill-intervisti li saru mas-settur intraprenditorjali ħareġ li dan is-settur iħoss li l-Ftehim ser jgħin l-ekonomija legali, biex ix-xogħol isir formali, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, u li ser jgħin biex jitnaqqsu l-livelli ta’ vjolenza.

4.   Il-perù

4.1   F’dawn l-aħħar għaxar snin il-faqar naqas, iżda, skont data tal-Bank Dinji (28), 15 % tal-popolazzjoni tgħix b’inqas minn żewġ dollari kuljum. Id-differenzi bejn ir-reġjuni urbani u dawk rurali għadhom kbar ħafna. Għaldaqstant, s’issa t-tkabbir irriżulta f’distribuzzjoni irregolari ħafna tad-dħul. Id-dħul medju (u għaldaqstant il-konsum privat) żdied, iżda mhux biżżejjed, u fl-2010 laħaq l-USD 404.

4.2   Is-sitwazzjoni tal-impjiegi u tat-trejdjunjins. Fl-2009, kważi 73 % tal-ħaddiema ma kellhomx kuntratt tax-xogħol, 7 % kellhom kuntratti permanenti u 20 % kuntratti temporanji (29). Fl-2011, l-ILO ġibdet l-attenzjoni għaż-żieda fix-xogħol informali u fin-nuqqas ta’ impjieg, għat-tnaqqis tal-paga minima reali u tal-livelli għoljin ħafna ta’ tħaddim tat-tfal (42 %). Il-Perù għaddej minn splużjoni fl-esportazzjoni agrikola, li s’issa għadhom ma bbenefikawx minnha l-ħaddiema tas-settur. Fl-2008, qabel ma bdiet il-kriżi internazzjonali, kellhom kuntratti biss 200 000 ħaddiem. Matul l-ewwel nofs tal-2011 l-irkupru qabad jissoda; il-livell tal-ħaddiema impjegati kien l-ogħla fl-istorja. Iżda f’dan is-settur, il-ġranet ta’ xogħol jistgħu jkunu twal wisq, il-pagi huma inqas mill-paga minima normali (30), is-sigħat żejda maħduma jitħallsu inqas u l-kuntratti temporanji huma n-norma (31).

4.3   Il-KESE jqis li l-impenji meħuda għall-konformità mal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u mal-aġenda għax-xogħol deċenti huma pass ’il quddiem, iżda jtenni l-appell tiegħu biex is-soċjetà ċivili organizzata Peruvjana u Ewropea jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom. Kundizzjoni ċentrali tal-kunċett tax-xogħol deċenti hija d-dimensjoni tad-djalogu soċjali: dan ifisser il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ min jimpjega u tat-trejdjunjins, fil-qafas tan-negozjar kollettiv. Dan huwa relevanti ħafna minħabba li jikkomplementa l-leġislazzjoni għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jkun hemm skambju formali ta’ esperjenzi marbutin mad-djalogu soċjali.

4.4   It-tħaddim tat-tfal fil-Perù huwa kwistjoni li ilha tqajjem tħassib sa minn żmien ilu fis-soċjetà ċivili Peruvjana. Dan jolqot b’mod partikolari lis-settur tal-mini, li jinkludi wkoll tfal bniet. Iċ-ċifri jistgħu jitqiesu biss bħala referenza peress li l-istatistika uffiċjali normalment ma tirriflettix kompletament id-dimensjoni tal-fenomenu, iżda skont data tal-IPEC-ILO (32), f’żewġ familji fuq tlieta li jaħdmu fil-mini, hemm minorenni ta’ inqas minn 18-il sena jaħdmu f’fażi jew oħra tal-estrazzjoni, l-ipproċessar u t-trasport tal-materjal. Minkejja li l-bniet normalment ma jaħdmux fil-livelli l-aktar fondi tal-mini, qegħdin ikunu involuti dejjem aktar f’attivitajiet fuq ġewwa tal-mini u qed jieħdu ħsieb il-komunikazzjonijiet bejn il-mini u d-dinja ta’ barra. L-ILO targumenta li l-qerda tat-tħaddim tat-tfal fil-mini tgħin biex jiġi xprunat it-tibdil teknoloġiku, biex tittejjeb il-protezzjoni soċjali u biex jitwessgħu l-opportunitajiet edukattivi tal-minorenni involuti. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija fundamentali għal dan il-proċess ta’ progress. L-UE ħadet impenji speċifiċi għall-qerda tat-tħaddim tat-tfal mal-imsieħba kummerċjali tagħha u l-kumpaniji tal-UE li joperaw f’kontinenti oħra. Il-kwistjonijiet marbutin mar-responsabbiltà soċjali korporattiva u d-drittijiet tax-xogħol u dawk tal-bniedem ma jiqfux mal-fruntieri Ewropej. Matul l-applikazzjoni tal-FKM dawn l-impenji għandhom jiġġeddu u l-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni attwali tat-tħaddim tat-tfal trid tiġi valutata.

4.5   L-immigrazzjoni lejn l-UE. Skont l-Instituto Nacional de Estadística e Informática  (33) (istitut nazzjonali tal-istatistika u l-informatika), huwa kkalkulat li bejn l-1990 u l-2009, l-għadd ta’ Peruvjani li kienu jgħixu barra l-Perù kien ta’ 2 038 107 persuni. Wara Spanja (fejn hemm madwar 200 000 resident Peruvjan), l-Italja hija wieħed mill-pajjiżi li laqa’ l-akbar kwantità ta’ Peruvjani f’dawn l-aħħar snin (34). Għall-KESE, l-immigrazzjoni legali u b’garanziji hija element pożittiv u ta’ kontribut. Il-mekkaniżmu ta’ segwitu, li ser jiġi stabbilit fil-qafas tal-FKM bl-involviment tas-soċjetà ċivili, għandu jkun involut fl-osservazzjoni u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti u tal-prevenzjoni tat-traffikar illegali.

4.6   Id-drittijiet tal-popli indiġeni. Il-KESE jieħu nota tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Konsultazzjoni Minn Qabel approvata fl-2011 (35). Din il-liġi tirrappreżenta rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni, tista’ tgħin fl-inklużjoni soċjali u twassal biex il-benefiċċji tad-demokrazija fl-aħħar jitgawdew ukoll mill-popli indiġeni. Hija r-riżultat tal-ħidma ta’ bosta atturi soċjali, iżda b’mod speċjali tal-popli indiġeni nfushom, li konsistentement talbu għal leġislazzjoni li tiżgura li d-dritt għall-konsultazzjoni jiġi applikat b’mod effettiv. L-applikazzjoni b’mod sħiħ tal-liġi ser tkun prova tal-konformità tal-Perù mal-obbligi li ħa taħt il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO.

4.7   Il-gvern ta’ Ollanta Humala beda ħidmietu fl-2011, u qed jiffaċċja sfidi kbar u qed joħloq stennijiet sinifikanti. L-iffirmar tal-FKM mal-UE jista’ jikkontribwixxi biex l-isfidi jiġu indirizzati u biex l-istennijiet jinbidlu f’ċertezzi pożittivi, iżda bil-kundizzjoni li ma jitqiesx li s-sempliċi ffirmar tal-Ftehim ser iwassal għall-bidliet mixtieqa. Permezz ta’ din l-opinjoni, il-KESE qiegħed jesprimi x-xewqa tiegħu li jikkontribwixxi għal relazzjonijiet futuri aħjar bejn l-UE u l-Perù, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili Peruvjana fil-mekkaniżmi ta’ segwitu u ta’ valutazzjoni tal-impatt adottati. Il-KESE enfasizza, u issa qed itenni, l-importanza li dawn l-istrutturi ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili jkunu rappreżentattivi u indipendenti mill-eżekuttiv.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomik u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-FKM irid jiġi ratifikat mis-27 Parlamenti tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlamenti tal-Kolombja u tal-Perù.

(2)  Kif stabbilit, pereżempju, fil-pjan ta’ azzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol inkluż fil-ftehim bejn il-Kolombja u l-Istati Uniti u fil-SĠP+.

(3)  “EU-Andean Trade Sustainability Impact Assessment” (mhux disponibbli bil-Malti - Il-valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà tal-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi Andini), imfassal fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea minn Development Solutions, iċ-Ċentru tar-Riċerka dwar il-Politika Ekonomika u l-Università ta’ Manchester, 2009.

(4)  Kif ukoll l-għanijiet tal-Protokoll UE-Kolombja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2009), ratifikati fis-sitt laqgħa regolari tal-Mekkaniżmu ta’ Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f’Bogotá fit-30 ta’ Jannar 2012.

(5)  Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus.

(6)  Artikoli 271 u 324 tal-FKM.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “In-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ - Il-pożizzjoni tal-KESE”, relaturi: Jonathan Peel u Evelyne Pichenot, (ĠU C 211, 19.08.2008, p. 82).

(8)  Kull parti timpenja ruħha li tippromovi u tapplika b’mod effettiv fil-liġijiet u l-prattiki tagħha u fit-territorju kollu tagħha, l-istandards fundamentali tax-xogħol rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, kif jidhru fil-Konvenzjonijiet Fundamentali tal-ILO, Artikolu 269(3) tal-FKM.

(9)  ĠU C 211, 19.08.2008, p. 82

(10)  “Il-KESE jqis li l-inklużjoni ta’ dimensjoni soċjali fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija importanti ħafna, b’koerenza ma’ FA li jmur lil hinn mill-aspetti kummerċjali tiegħu u li għandu l-objettiv globali li jkabbar il-koeżjoni soċjali.”, relatur: is-Sur Zufiaur, (ĠU C 248, 25.08.2011, p. 55).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”, relatur: is-Sinjura Pichenot, (ĠU C 218, 23.07.2011, p. 14).

(12)  Ittra lill-Parlament Ewropew mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ITUC), il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-Amerki, u l-Kunsill tat-Trade Unions Globali tat-22 ta’ Frar 2012. Il-pożizzjoni tas-CGT Kolombjana dwar il-Ftehim Kummerċjali UE-Kolombja, Frar 2012.

(13)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-FKM bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù, approvata fit-13 ta’ Ġunju 2012.

(14)  Il-KESE għall-parti Ewropea.

(15)  Fl-Anness B hemm ir-rapport u l-programm tal-missjoni.

(16)  Dikjarazzjoni minn Amnesty International qabel id-19-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, 2012, Ġinevra.

(17)  Rapport 2012 tal-“Tribunal internacional sobre la infancia afectada por la guerra y la pobreza” (Tribunal Internazzjonali dwar it-Tfal Milquta mill-Gwerra u l-Faqar): http://www.tribunalinternacionalinfancia.org.

(18)  Fit-28 ta’ April 2012, kuntrarjament għall-wegħda li kienu għamlu, ħatfu lill-ġurnalist Franċiż R. Laglois, u ħelsuh xi ġimgħat wara.

(19)  Skont il-liġi Kolombjana huma qtil ta’ persuni protetti.

(20)  Sors: rapporti suċċessivi tal-Kumitat dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards, Konferenzi Internazzjonali tax-Xogħol, ILO.

(21)  Rapport li rċeviet l-Ambaxxata tal-Kolombja fi Brussell dwar l-attivitajiet tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali nazzjonali, Marzu 2012.

(22)  Fi Frar 2011 l-eks-Senatur Mario Uribe, eks-President tal-Kungress u kuġin tal-President Álvaro Uribe, instab ħati ta’ relazzjonijiet mal-paramilitari.

(23)  Il-ħatra tas-Sinjura Viviane Morales ġiet annullata għal irregolaritajiet allegati fil-kandidatura tagħha.

(24)  F’Settembru 2011, Jorge Noguera Cotes, li mexxa d-DAS mill-2002 sal-2005 ġie ddikjarat ħati li poġġa l-aġenzija tal-intelligence għas-servizz tal-gruppi paramilitari, u għall-qtil ta’ professur tal-Università fl-2004.

(25)  Rapport dwar il-Kolombja, Kummissjoni Interamerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(26)  Rapport Dinji dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, 2012, Human Rights Watch.

(27)  Ittra lill-President Santos, Human Rights Watch, 9 ta’ Frar 2012.

(28)  World Development Indicators, Bank Dinji, 2011.

(29)  Skont il-Ministeru tax-Xogħol tal-Perù.

(30)  Il-paga għal jum hija bejn USD 8,84 u USD 10, il-paga minima għall-għajxien hija ta’ USD 259,61 fix-xahar.

(31)  Eżempju ċar fejn joħroġ fid-dieher l-użu inadegwat tal-kuntratti temporanji huwa s-settur taż-żejt tal-palm.

(32)  Programm tal-ILO għall-qerda tat-tħaddim tat-tfal: www.ilo.org.

(33)  Perú: Estadísticas de la Emigración Internacional de Peruanos e Inmigración de Extranjeros (Perù: Statistika tal-Emigrazzjoni Internazzjonali minn Peruvjani u Immigrazzjoni ta’ Barranin, 1990 – 2009, Lima: 2010.

(34)  Mill-2011, l-UE qed tiffinanzja l-proġett “Il-Perù Migranti”.

(35)  Liġi nru. 29785, Liġi dwar id-dritt għal konsultazzjoni minn qabel mal-popli indiġeni, rikonoxxut fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperattivi u l-iżvilupp agroalimentari” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/09

Relatur: is-Sur TRIAS PINTÓ

Waqt is-sessjoni plenarja tad-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kooperattivi u l-iżvilupp agroalimentari

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikultura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fit-tiftix ta’ mudell ekonomiku aktar sostenibbli, il-kooperattiviżmu jipprovdi alternattiva kompetittiva u effiċjenti, joffri risposti ġodda għall-iżbilanċi fil-katina tal-valur tas-settur agroalimentari filwaqt li jippromovi l-impjieg u jħeġġeġ il-katini alimentari lokali, is-sigurtà tal-provvista alimentari, il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà soċjali.

1.2   Is-swieq attwali tal-prodotti agroalimentri jeħtieġu riformi strutturali b’konformità mal-isfidi ppreżentati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi oħra tal-UE. Il-kanali konvenzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni ma joffrux biżżejjed trasparenza fit-tiswir tal-prezzijiet, u dan iwassal għal żbilanċi serji fil-kapaċità ta’ negozjar tal-partijiet interessati, għad-detriment tal-produtturi u l-konsumaturi (l-ewwel u l-aħħar ħolqa fil-katina). Bara minn hekk, ikun hemm spejjeż ambjentali mhux neċessarji minħabba distribuzzjoni ineffiċjenti f’termini tal-enerġija, bħalma huwa l-każ tal-ħżin fil-kesħa tal-ikel frisk barra l-istaġun u t-trasport tiegħu lejn swieq ’il bogħod ħafna mill-post tal-produzzjoni.

1.3   Is-suq jeħtieġ li jerġa’ jissawwar b’mod ċirkulari, b’tali mod li jgħin iqassar il-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni sabiex tittejjeb ir-rabta bejn il-provvista u d-domanda f’netwerks, promossi mill-aktar livelli bażiċi u f’kuntest innovattiv u teknoloġikament avvanzat.

1.4   Permezz tal-prinċipji u l-valuri tagħhom li jidentifikawhom, il-kooperattivi jikkontribwixxu għal relazzjonijiet kummerċjali ġusti u sinerġetiċi li jippermettu li jerġgħu jibbilanċjaw il-katina tal-valur agroalimentari, waqt li jgħaqqdu flimkien l-interessi, jottimizzaw il-valur kondiviż u jikkonsolidaw is-sostenibbiltà tal-metodi tal-produzzjoni u l-konsum.

1.5   Għalhekk, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jippromovu l-kundizzjonijiet preċiżi għall-promozzjoni tal-mudell kooperattiv, permezz tal-adozzjoni ta’ politiki tal-UE li jipprovdu l-miżuri adegwati fil-kuntest legali, ekonomiku, fiskali, tekniku, eċċ., bil-għan li jassiguraw li s-suq jiżviluppa b’mod armonjuż.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-mudell kooperattiv iħeġġeġ it-titjib tal-ekosistema intraprenditorjali tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, id-demokrazija ekonomika, waqt li jikkontribwixxi għall-bidla meħtieġa tal-mudell tal-produzzjoni.

2.2   L-2012, iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi, toffri l-qafas ideali għal riflessjoni dwar ir-rwol tal-kooperattivi fit-tfassil ta’ xprun ġdid għal tkabbir sostenibbli u inklużiv, li jippermetti li mill-kriżi attwali toħroġ ekonomija soċjali tas-suq kompettiva ħafna (1).

2.3   Ir-realtà tas-settur kooperattiv fl-UE hija diversa ħafna. Jeżistu kooperattivi li l-attività kummerċjali tagħhom mhi xejn differenti minn dik tal-kompetituri tagħhom, filwaqt li jeżistu oħrajn li jorbtu l-attività kummerċjali tagħhom ma’ pożizzjonijiet “politiċi” favur il-konsumaturi, l-ambjent, eċċ., integrati fl-istrateġiji tagħhom ta’ informazzjoni jew ta’ bejgħ. Jeħtieġ ukoll li ssir distinzjoni bejn il-kooperattivi li joperaw fil-bidu (produzzjoni) jew fl-aħħar (konsum) tal-katina tal-valur, ta’ spiss mingħajr ebda koordinazzjoni bejniethom.

2.4   Ir-riforma strutturali tas-swieq, li għandha l-għan li tikseb mudell tal-produzzjoni u tal-konsum sostenibbli, teħtieġ li l-katina tal-valur agroalimentari (2) terġa’ tiġi bbilanċjata, bl-assoċjazzjonijiet agrikoli inġenerali u l-kooperattivi b’mod partikolari jaqdu rwol li jbiddel u jintegra u li jippermetti li jitwettqu l-aġġustamenti u t-tibdil rilevanti – dan kollu permezz tad-djalogu u l-interazzjoni bejn is-setturi.

2.5   Dan l-approċċ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-pożizzjonijiet espressi mill-KESE u jipprova jagħti risposta għall-isfidi futuri tal-politiki tal-UE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konsum, il-Produzzjoni u l-Industrija Sostenibbli u l-Att tas-Suq Uniku.

2.6   F’dan is-sens, għandu jiġu enfasizzat li din l-inizjattiva hija msejsa fuq il-prinċipju ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, abbażi tal-għarfien, l-ekonomija b’konsum baxx ta’ karbonju (3), l-impjegabilità u l-koeżjoni soċjali u territorjali.

2.7   Fl-aħħar nett, din il-proposta tikkontribwixxi għal aspetti transversali oħra li huma estremament importanti għall-politiki tal-UE bħal, fost oħrajn, dawk relatati mas-sovranità u sigurtà tal-provvista alimentari, il-bilanċ territorjali u ż-żamma tal-katini alimentari lokali (4), l-intraprenditorija soċjali, il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumatur u l-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili organizzata fil-qasam agroalimentari (5).

3.   Kummenti tal-KESE

3.1   Analiżi tas-suq attwali

3.1.1   Il-funzjonament tas-suq għandu jiggarantixxi li jiġu offruti l-prodotti tat-tip u l-kwalità mixtieqa mill-konsumaturi. Dan jeħtieġ li l-messaġġi tal-konsumaturi jiġu trasmessi matul il-katina kollha tal-valur u jaslu mingħajr tfixkil għand il-produtturi. Sfortunatament, illum il-ġurnata s-suq ta’ spiss huwa ta’ natura lineari – li jippreveni milli jkun hemm feedback pożittiv – u juri livell ta’ kumplessità li jfixkel il-missjoni tiegħu u b’hekk ikun ta’ ħsara għall-kompitu ġenwin tiegħu, fi kliem ieħor li jipprovdi prodotti għall-popolazzjoni tiegħu bl-aktar mod sodisfaċenti possibbli.

3.1.2   Il-konsumaturi qed jitolbu dejjem aktar prodotti siguri, sostenibbli, u li jiġu prodotti b’mod innovattiv, responsabbli, li jirrispetta l-ambjent u f’kundizzjonijiet adegwati ta’ xogħol u ta’ benesseri tal-annimali; dan kollu mingħajr ma jintesa l-fatt li għandhom jitqiesu wkoll il-prodotti alimentari li jqumu inqas, peress li l-prezz jibqa’ jkun fattur determinanti għad-deċiżjonijiet ta’ xiri. Sfortunatament, il-katina tal-valur agroalimentari mhix qed tittrasmetti l-informazzjoni rilevanti bejn il-ħoloq differenti (produzzjoni primarja, imballaġġ, ħżin, distribuzzjoni u bejgħ).

3.1.3   Il-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni, apparti li biegħdu r-relazzjoni bejn il-fornituri u l-konsumaturi, għamlu aktar diffiċli t-trasparenza tal-operazzjonijiet li jinkorporaw, b’tali mod li l-ispejjeż tal-produzzjoni huma sottovalutati u l-prezzijiet imħallsa lill-produtturi ta’ spiss ma jilħqux il-limiti minimi meħtieġa għas-sopravivenza ekonomika tagħhom.

3.1.4   Barra minn hekk, il-poter fqir ta’ negozjar u d-dipendenzi lsira ta’ dawk l-operaturi li jissaportu prezzijiet inġusti f’rabta mal-attività li jwettqu jżidu l-iżbilanċ li jikkaratterizza l-katina agroalimentari (6), u b’hekk iżommu mġiba anomala tas-suq.

3.1.5   Għalhekk, l-analiżi tas-suq attwali – neċessarja għar-riforma tiegħu – tindika dan li ġej: provvista frammentata, distribuzzjoni konċentrata u domanda inkonsistenti. Dan il-kuntest jipprovdi l-ambjent ideali għall-ispekulazzjoni.

3.1.6   M’għandux jintesa l-fatt li l-istadju tad-distribuzzjoni, barra minn hekk, għandu impatti ambjentali u soċjali li jirriżultaw mit-trasport fuq distanza twila, il-ħżin fit-tul fil-kesħa, ir-rilokazzjoni tan-negozju, eċċ.

3.2   Lejn suq aktar kooperattiv: approċċ iċċentrat fuq metodi ġodda tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli

L-identità kooperattiva għandha tissaħħaħ permezz tal-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza, l-ekwità, is-solidarjetà, it-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali. L-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali stabbilixxiet seba’ prinċipji li għandhom jiġu applikati mill-kooperattivi: “l-adeżjoni volontarja u miftuħa; il-kontroll demokratiku tal-membri; il-parteċipazzjoni ekonomika tal-membri; l-awtonomija u l-indipendenza; l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni; il-kooperazzjoni bejn il-kooperattivi u l-attenzjoni għall-komunità” (7).

Suq kooperattiv fil-kuntest agroalimentari huwa wieħed ibbażat fuq il-kooperattivi, li jiffunzjona fuq il-bażi tal-offerta u d-domanda agroalimentari kif ukoll fuq ir-rabtiet tiegħu ta’ reċiproċità jew ta’ benefiċċju reċiproku, waqt li jfittex katina tal-valur aktar ġusta u effiċjenti mil-lat ekonomiku u soċjoambjentali. Fil-qosor, dan ifisser li s-suq jieħu l-forma ta’ logħba fejn kulħadd joħroġ rebbieħ (positive sum game) u fejn l-aġenti kollha jiggwadanjaw, waqt li jiġi massimizzat il-ħolqien ta’ valur kondiviż billi jinħolqu alleanzi u impenji fit-tul bejn il-partijiet interessati prinċipali tiegħu (produtturi u konsumaturi) fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet imparzjali ta’ kompetizzjoni ġusta. Il-fatturi prinċipali sabiex is-suq jerġa’ jiġi organizzat, b’konformità mal-prinċipji mniżżlin f’din l-Opinjoni, huma dawn li ġejjin:

3.2.1

Inverżjoni tal-“piramida tal-produzzjoni”, b’approċċ kooperattiv transnazzjonali li l-massa kritika tiegħu tiggarantixxi l-iskala u l-firxa neċessarji. Abbażi tal-produttur individwali jew familjali, huwa neċessarju li jiġu promossi l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi fil-livell lokali – element li jistimula l-ekonomija rurali – waqt li jinħolqu strutturi akbar (netwerks reġjonali u raggruppamenti kompetittivi) li jqarrbu lill-bdiewa lejn il-partijiet tal-katini ta’ kummerċjalizzazzjoni li għandhom l-aktar valur miżjud. Din l-istruttura kooperattiva għandha tippermetti li jiġu massimizzati r-rendimenti u tintlaħaq id-diversità tad-domanda, waqt li jitqassru l-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn il-ħoloq tal-produzzjoni u tal-konsum (8). Barra minn hekk, l-integrazzjoni kooperattiva (9) tassigura traċċabilità akbar matul il-proċess kollu, kemm fil-kuntest tal-kwalità kif ukoll fit-tiswir tal-prezzijiet, u dan iwassal għal riżorsi ottimizzati u aktar effiċjenza.

3.2.2

Introjtu soċjali kooperattiv. Il-profitti ġġenerati min-netwerk tal-kooperattivi huma ta’ benefiċċju għall-kooperattivi parteċipanti, u dan iżid il-possibbiltajiet tagħhom li jtejbu l-poter tas-suq tagħhom, jipprovdu impjegabilità aħjar, aċċess għar-riżorsi bażiċi aktar universali u kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-produtturi u l-konsumaturi, waqt li jiġi promoss il-ħolqien ta’ sinerġiji fl-ambjent ġdid ta’ relazzjonijiet kummerċjali.

3.2.3

Konċentrazzjoni tad-domanda  (10). Il-kooperattivi tal-konsumaturi, flimkien mal-promozzjoni tan-netwerks tal-konsumaturi li jiffokaw fuq id-domanda taċ-ċittadini, għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għall-prodotti f’kundizzjonijiet ta’ prezz u kwalità aktar favorevoli. Il-kuntatt dirett mal-produtturi jinbena fis-swieq lokali u ta’ viċinat, u jippermetti li bil-mod il-mod jiġu ottimizzati t-tranżazzjonijiet kummerċjali virtwali fuq l-internet. Dan l-approċċ jikkoinċidi mal-għanijiet espressi mill-organizzazzjonijiet prinċipali tal-bdiewa u tal-kooperattivi agroalimentari tal-Unjoni Ewropea: “L-għan huwa li jiġu promossi/appoġġjati l-inizjattivi tal-bdiewa li jbigħu direttament il-prodotti tagħhom lill-konsumaturi finali (pereżempju permezz ta’ bejgħ dirett fir-razzett, permezz tal-kooperattivi agrikoli, fis-swieq lokali, permezz ta’ pjattaformi kollettivi jew impriżi kkontrollati mill-produtturi)” (11).

3.2.4

Mudell ċirkolari  (12) tas-suq ibbażat fuq it-tqassir tal-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni. Sabiex jiġi bbilanċjat il-piż żejjed tal-operaturi li ma jżidu l-ebda valur fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agroalimentari, għandhom jiġu promossi l-kanali ta’ kummerċjalizzazzjoni li kemm jista’ jkun iqarrbu l-unitajiet ta’ produzzjoni u konsum, fi kliem ieħor il-produtturi primarji u l-konsumaturi finali rispettivament (13). B’hekk dan jgħin biex jinħolqu “ċirkli fis-suq” li jagħmluha possibbli li r-riżorsi disponibbli ta’ produzzjoni jiġu aġġustati, f’termini ta’ mezzi u spejjeż, għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni u b’hekk jiġu evitati l-eċċessi u d-defiċits, li apparti hekk jistgħu joħolqu fluttwazzjonijiet artifiċjali fil-prezzijiet. Dan kollu ser jippermetti li l-katina tal-provvista tal-ikel tiffunzjona b’mod aktar ġust, trasparenti u bbilanċjat u tgħin biex jinqerdu dawk il-prattiki abbużivi u inġusti li jqiegħdu f’riskju l-kompetizzjoni leġittima.

3.2.5

Teknoloġiji ġodda  (14). L-innovazzjoni teknoloġika tipprovdi l-pedament li fuqu jistrieħ il-kunċett ta’ suq aktar kooperattiv, kemm fl-iżvilupp innovattiv tat-tekniki ta’ produzzjoni agroalimentari kif ukoll fl-infrastruttura loġistika meħtieġa biex tiġi ottimizzata l-effiċjenza tal-proċessi ta’ komunikazzjoni meta jiġu implimentati netwerks intelliġenti ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u konsum (bħal forom ta’ organizzazzjoni b’livell għoli ta’ awtoorganizzazzjoni u flessibbiltà evoluttiva, u li għandhom il-kapaċità li jitgħallmu jaġixxu sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom). Il-viralità, l-interoperabilità u l-konnettività reċiproka tagħhom f’ambjent diġitalizzat, b’hekk, ser jippermettu li jiġu sostitwiti l-intermedjarji inutli. B’konsegwenza, it-teknoloġiji l-ġodda għandhom ikunu l-għodod li bihom jissawwar il-proċess li jwassal għal aktar effiċjenza kollettiva, billi l-innovazzjoni tiġi applikata fil-katini alimentari u għall-kapaċità tagħhom li jinbidlu.

3.3   Il-ksib ta’ suq aktar kooperattiv

It-trasformazzjoni globali lejn il-produzzjoni u l-konsum responsabbli u sostenibbli għandha titqies bħala realtà li tinkludi diversi partijiet interessati, fejn kull wieħed mill-gruppi ta’ interess jista’ jinfluwenza u jiġi influwenzat mill-attività kooperattiva (koresponsabbiltà soċjali kooperattiva). Kwistjoni strateġika li għandha titqies fil-promozzjoni ta’ mudelli tal-konsum u tal-produzzjoni kooperattivi u interkooperattivi hija l-fatt li hemm bżonn li jkun hemm strumenti u mekkaniżmi istituzzjonali li jippermettu li l-mudell jiġi stabbilit b’tali mod li jkun jista’ jikkompeti mal-katina tal-valur konvenzjonali. Xi konsiderazzjonijiet jistgħu jkunu utli fil-proċess rilevanti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inklużi dawn li ġejjin:

3.3.1

Adozzjoni ta’ miżuri fil-kuntest tal-politiki tal-UE. Għandhom jiġu promossi, permezz tar-riforma tal-qafas legali u ta’ politika adegwata ta’ inċentivi, miżuri li jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kooperattivi permezz ta’ aġenziji ta’ żvilupp, kreditu finanzjarju, eċċ., kif ukoll miżuri ta’ integrazzjoni u internazzjonalizzazzjoni kooperattiva, miżuri ta’ koeżjoni u innovazzjoni soċjali u miżuri li jsaħħu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-kooperattivi, l-għaqdiet tal-konsumaturi u gruppi oħra.

3.3.2

Akkwist pubbliku kooperattiv  (15). Il-progress li sar fl-aħħar snin fil-kuntest tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u, aktar reċenti, anke fl-adozzjoni ta’ kriterji etiċi fil-proċeduri tal-akkwist tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, kellu impatt importanti fuq il-progress soċjali u ekonomiku tal-azzjonijiet ta’ sostenibbiltà u kooperazzjoni. Il-possibbiltà li l-akkwist pubbliku jkun ta’ eżempju kif ukoll il-livell għoli ta’ akkwist li jinvolvi huma, mingħajr dubju, strument kruċjali sabiex jiġu promossi l-objettivi stabbiliti. Il-fatt li l-flussi tas-suq jiġu stimulati bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-netwerks kooperattivi jista’ jkun fattur deċiżiv f’mudell ġdid tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

3.3.3

Tikketti ta’ kwalità  (16). It-tikketti ta’ kwalità huma strumenti indiretti ta’ promozzjoni, li jiċċertifikaw l-oriġini, il-karatteristiċi u l-attribwiti tal-prodotti kkummerċjalizzati, u f’dan il-każ il-valur miżjud tal-element soċjali li jakkumpanja l-produzzjoni kooperattiva (“tikketta kooperattiva”). Din l-immaġni ta’ marka (brand image) iżżid ir-reputazzjoni u tippermetti lill-assoċjazzjonijiet agrikoli jimxu minn li jkunu ffokati fuq il-produzzjoni għal li jkunu ffokati fuq is-suq.

3.3.4

Trasparenza u informazzjoni għall-konsumatur  (17). It-trasparenza, flimkien mal-kampanji li jagħmlu liċ-ċittadini aktar konxji mid-deċiżjonijiet ta’ xiri li jieħdu fi ħdan is-suq kooperattiv, speċjalment b’rabta mal-kwalità u t-traċċabbilità, hija fattur ta’ bilanċ fil-katina tal-valur li twassal għal aktar simmetrija ta’ informazzjoni u azzjoni kkoordinata bejn il-produzzjoni u l-konsum (neċessarji għall-effiċjenza ta’ mudell ibbażat fuq is-sostenibbiltà), u torbot il-provvista u d-domanda, kemm temporanjament kif ukoll ġeografikament fl-integrazzjoni tal-proċessi rispettivi tal-kummerċjalizzazzjoni. Għandhom jingħataw prijorità wkoll il-gruppi tal-konsumatur u għandhom jiġu identifikati l-kanali li jwasslu għall-konċentrazzjoni rilevanti tad-domanda finali tal-prodotti agroalimentari.

3.3.5

Edukazzjoni u taħriġ fl-intraprenditorija soċjali u l-moviment kooperattiv  (18). Minkejja li dan huwa b’mod ċar strument proattiv li l-effett tiegħu ma jiġix osservat immedjatament, bla dubju huwa fundamentali sabiex jiġu kkonsolidati l-bidliet li qegħdin iseħħu fis-suq. Jekk il-prinċipji kooperattivi jiġu mgħallma u assorbiti fl-iskola, dan ma jiġġenerax biss attitudni bikrija favur il-mudell kooperattiv u l-kooperazzjoni bħala sors ta’ fiduċja, iżda jippermetti wkoll li din il-prattika tiġi estiża għall-ġenituri tal-istudenti, li jitħeġġu jadottaw mudelli ta’ konsum li huma konformi mal-azzjonijiet proposti. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li tiġi promossa l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, sabiex jiġu inċentivati u stimulati l-ħolqien u l-konsolidazzjoni tal-kooperattivi, kemm jekk ikunu fil-fażi ta’ produzzjoni, fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni jew fil-fażi tal-konsum. Mingħajr dubju, għal dan kollu ser jikkontribwixxu l-għarfien, l-iskambju u t-tixrid tal-prattiki kooperattivi t-tajba.

3.3.6

Trattament fiskali divrenzjat  (19). Tinħtieġ tassazzjoni aktar ekwa li tippermetti li l-konsum jiġi orjentat lejn użu effiċjenti tar-riżorsi (20), sabiex jitqies aktar il-kontenut ta’ kull prodott f’termini soċjoambjentali u l-valur soċjali miżjud abbażi tal-formola tal-kooperattivi. Abbażi ta’ qafas fiskali speċifiku, l-inċentivi fiskali u l-għajnuna ta’ kumpens huma fost l-istrumenti diretti u li potenzjalment l-aktar li jistgħu jiksbu l-objettivi stabbiliti. Bħalma turi l-esperjenza f’diversi Stati Membri, l-adozzjoni ta’ trattament fiskali divrenzjat jippromovi l-awtonomija u l-indipendeza finanzjarja iżda, bħal xi wħud mill-inizjattivi proposti hawn fuq, jeħtieġ valutazzjoni ta’ impatt qabel jiġi adottat.

3.3.7

L-użu tat-teknoloġija. Il-progress teknoloġiku u l-aċċess universali tiegħu huma l-aħjar modi kif jiġi promoss il-ksib ta’ dawn l-objettivi. F’dan is-sens għandhom jiġu enfasizzati l-inizjattivi li ġejjin: ir-riċerka u l-innovazzjoni applikati għall-produzzjoni agroalimentari, il-ħolqien ta’ żoni u kanali ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni u, fl-aħħar, iċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità għolja, billi jingħataw punti addizzjonali għall-valur nutrittiv, il-garanziji ta’ provvista u benefiċċji pubbliċi oħra, waqt li jitnaqqsu punti għall-ispejjeż soċjali u ambjentali negattivi esterni, fost oħrajn, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu akkreditati kriterji bħas-saħħa u s-sigurtà alimentari, il-marka ekoloġika jew il-marka soċjali, u barra minn hekk ikunu jiġu evalwati mill-konsumaturi f’rabta mal-prezz u l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni relatati. Din is-sistema ta’ ċertifikazzjoni tkun teħtieġ li tiġi implimentata flimkien ma’ elementi oħra bħat-telefonija intelliġenti, applikazzjonijiet speċifiċi tal-informatika u netwerks soċjali.

3.4   Vantaġġi kompetittivi tas-suq kooperattiv

Apparti l-vantaġġi evidenti li jġib miegħu mudell ġdid ibbażat fuq is-sostenibbiltà u l-kooperazzjoni ekonomika u soċjali, is-suq kooperattiv joffri għadd ta’ vantaġġi kompetittivi b’implikazzjonijiet fuq aspetti estremament importanti għall-politiki tal-UE fl-oqsma li ġejjin:

3.4.1

Ekonomija: il-fatt li l-prodotti tal-bdiewa jkollhom aċċess stabbli u sigur għas-swieq, il-finanzjament sostenibbli, l-investimenti soċjalment responsabbli, l-istimolu tas-suq, is-salvagwardja tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi, eċċ.

3.4.2

Soċjali: l-ippjanar territorjali, l-iżvilupp rurali u l-inklużjoni, il-wirt kulturali u l-identità lokali u reġjonali, is-sovranità u s-sigurtà tal-provvista alimentari, l-ebda produzzjoni żejda u l-aċċessibbiltà għall-ikel, it-traċċabbilità soċjali tal-prodotti, l-ebda rilokazzjoni tal-intrapriżi, il-garanzija ta’ salarji adegwati u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-responsabbiltà soċjali u l-konsum responsabbli, is-saħħa tal-komunità u l-istili ta’ ħajja b’saħħithom, il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentawhom, eċċ.

3.4.3

Ambjentali: l-iffrankar tal-enerġija, il-konservazzjoni tal-ekosistemi, il-marki ekoloġiċi, l-agroekoloġija; l-użu razzjonali u responsabbli tal-materja prima u r-riżorsi naturali, iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodotti agroalimentari, il-ħolqien tal-impjieg ekoloġiku bħala strateġija biex jiġi estiż is-suq, eċċ.

Brusell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Att dwar is-Suq Uniku”, COM(2011) 206 final.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM (2008) 397 final.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Pjan Direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050.”ĠU C 376, 22.12.2011, p. 110-116.

(4)  Nazzjonijiet Uniti, Assemblea Ġenerali “Rapport mir-relatur speċjali dwar id-dritt għall-ikel”, Oliver de Schutter (A/HRC/19/59 – 26 ta’ Diċembru 2011.

(5)  Konklużjonijiet tal-President Nilsson dwar il-Konferenza “Food for everyone: towards a global deal” (Ikel għall-Kulħadd: lejn patt globali).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kooperattivi u r-ristrutturar”. ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24-30

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Politika Integrata dwar il-Prodotti”, COM(2003) 302 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  F’dan ir-rigward, bħala mudell intraprenditorjali emerġenti, il-Kooperattiva Integrali jew l-Impriża Kooperattiva ta’ Interess Komuni toħroġ bħala intrapriża li tipproduċi beni jew servizzi sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet kollettivi ta’ territorju, permezz tal-mobilizzazzjoni konġunta tal-partijiet ikkonċernati.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi futuri fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” COM(2010) 672 final.

(11)  Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2013. Reazzjoni tal-bdiewa u tal-kooperattivi agrikoli tal-UE għall-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni (COPA-COGECA, 2012).

(12)  Salcedo Aznal, Alejandro. “¿Sociedad de consumo o redes de consumidores? Esbozo para un análisis social del consumidor actual” ((“Soċjetà ta’ konsum jew netwerks ta’ konsumaturi? Abbozz ta’ analiżi soċjali tal-konsumatur attwali”) (2008).

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM(2008) 397 final.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-mudell agrikolu Komunitarju: kwalità tal-produzzjoni u komunikazzjoni lill-konsumaturi bħala fatturi ta’ kompetittività”ĠU C 18, 19.1.2011, p. 5.

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” COM(2011) 681 final.

(16)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi futuri fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali” COM(2010) 672 final.

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta’ Azzjoni, COM (2008) 397 final.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Inizjattiva għan-negozju soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazjoni” COM(2011) 682 final.

(19)  Opinjoni tal-KESE dwar “Forom differenti ta’ intrapriża”. ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22-28.

(20)  COM(2011) 571 final u Opinjoni dwar “Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli fl-UE”. ĠU C 191, 29.6.2012, p. 6


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-1994 u tal-2005 dwar l-avjazzjoni u l-ajruporti fl-UE” (opinjoni addizzjonali)

2012/C 299/10

Relatur: is-Sur KRAWCZYK

Korelatur: is-Sur WENNMACHER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b 'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

ir-Reviżjoni tal-linji gwida tal-1994 u tal-2005 dwar l-avjazzjoni u l-ajruporti fl-UE

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tirrevedi, minn naħa, il-Linji Gwida tal-1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-istat fis-settur tal-avjazzjoni, u min-naħa l-oħra l-Linji Gwida tal-UE tal-2005 dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruport reġjonali (minn issa 'l quddiem imsejħa Linji Gwida tal-Avjazzjoni).

1.2   Mill-2005 s'issa, l-Istati Membri żammew lura milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar bosta każijiet fejn ajruporti jew komunitajiet lokali taw sussidji.

1.3   Il-KESE jaqbel mal-fehma ta’ partijiet interessati importanti li jemmnu li r-reviżjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni attwali hija assolutament meħtieġa, u sabiex din toħloq kundizzjonijiet ugwali xierqa għandha ssir mingħajr dewmien. L-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali huwa importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni territorjali u jeħtieġ regoli ċari li jiggvernaw l-għajnuna mill-istat.

1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jitħejja studju li jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna mill-istat u prattiki simili f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni. Dan l-istudju (apparti mill-analiżi tal-prattiki attwali f'dan il-qasam) għandu jipprovdi wkoll tagħrif dwar l-ammont u t-tip ta’ għajnuna mogħtija, l-impatt ta’ dawn fuq l-iżvilupp ekonomiku reali u l-impatt kwantitattiv u kwalitattiv fuq l-impjieg.

1.5   Fir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE rigward il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni riveduti, ippreżentati fil-paragrafu 5 ta’ din l-Opinjoni, il-Kumitat:

jippromovi l-ħtieġa għal qafas legali standardizzat tal-UE għas-settur kollu tal-avjazzjoni, li jipprevjeni prattiki ta’ sussidji mhux kontrollati u jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti kollha tas-suq anki fil-livell lokali,

jaqbel li bħala prinċipju ġenerali l-investiment privat ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-istat. Fl-istess ħin, operatur pubbliku jista' jaġixxi bħala investitur privat jekk l-investiment ikun kummerċjalment ġustifikabbli,

jirrakkomanda li għajnuna mill-istat għal investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport u għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru għandha tkun possibbli biss f'każijiet strettament definiti, u għandha tkun limitata skont il-perjodu ta’ żmien u l-intensità,

jappoġġja l-ħtieġa għal żvelar sħiħ tal-għajnuna disponibbli għall-ajruporti u trasportaturi u l-kundizzjonijiet li bihom din l-għajnuna setgħet ingħatat,

jitlob għal aktar stimulazzjoni tad-djalogu soċjali u l-evitar tad-dumping soċjali fis-settur,

jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni adegwata tal-Linji Gwida; l-infurzar huwa ta’ valur kbir,

jitlob għal politika fit-tul fir-rigward tal-iżvilupp jew tal-ajruporti reġjonali. Il-linji gwida tal-avjazzjoni jistgħu jiġu infurzati b'suċċess biss jekk isir qbil dwar prijoritajiet ta’ politika ċari tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali.

2.   Daħla

2.1   F'dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-industrija Ewropea tat-trasport bl-ajru esperjenzat għadd ta’ trasformazzjonijiet, prinċipalment minħabba l-liberalizzazzjoni tas-suq u l-ħolqien sussegwenti ta’ trasportaturi bi prezzijiet baxxi. Filwaqt li s-suq uniku tal-avjazzjoni ppermetta l-aċċess għal għadd ikbar ta’ ċittadini Ewropej għat-trasport bl-ajru permezz tal-ħolqien ta’ linji tal-ajru ġodda, l-ajruporti reġjonali l-ġodda u prezzijiet baxxi, dan kellu impatt mhux żgħir fuq l-impjieg u r-relazzjoni tax-xogħol fis-settur.

2.2   Fl-1994, fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq għas-servizzi tat-trasport bl-ajru, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-UE, li kienu jinkludu dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-għajnuna soċjali u ta’ ristrutturazzjoni għal-linji tal-ajru sabiex jipprovdu kundizzjonijiet ugwali għat-trasportaturi tal-ajru. Dawn tlestew, fl-2005, b'linji gwida dwar il-finanzjament pubbliku tal-ajruporti u dwar il-bidu ta’ negozju tas-servizzi tal-linji tal-ajru minn ajruporti reġjonali.

2.3   Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tirrevedi, minn naħa, il-Linji Gwida tal-1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE għall-għajnuniet mill-istat fis-settur tal-avjazzjoni, u min-naħa oħra l-Linji Gwida tal-UE tal-2005 dwar il-finanzjament tal-ajruporti u dwar l-għajnuna għall-bidu ta’ negozju lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali.

2.4   Skont għadd ta’ trasportaturi tan-“netwerk” Ewropew (li l-biċċa l-kbira minnhom huma membri tal-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej – Association of European Airlines – AEA) dawn l-aħħar snin dawn kienu kkonfrontati minn tip ġdid ta’ kompetizzjoni li ġejja minn trasportaturi li kapaċi jagħmlu dħul sostanzjali minn komunitajiet u ajruporti lokali. It-trasportaturi tal-AEA kienu ħadu l-pożizzjoni li dawn is-sussidji kienu kontra l-liġi u jikkostitwixxu każijiet evidenti ta’ għajnuna mill-Istat li bħala konsegwenza jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq tat-Trasport tal-Ajru Ewropew.

2.5   Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru bi prezzijiet baxxi (European Low Fares Airline Association – ELFAA), il-konsolidazzjoni miżjuda fost it-trasportaturi tan-netwerk b'enfasi fuq iż-żieda fit-traffiku fiċ-ċentri tagħhom irriżultat f'inqas alternattivi għar-reġjuni u l-ajruporti tagħhom, li qed ifittxu li jiżviluppaw firxa ikbar ta’ konnessjonijiet diretti minn punt għal punt. F'ħafna każijiet, it-trasportaturi bi prezz baxx (low-cost carriers – LCC) jirrappreżentaw l-uniku prospett ta’ tkabbir għall-ajruporti reġjonali fis-suq Ewropew. L-aktar tkabbir reċenti tal-UE ta lok għal opportunitajiet ġodda tas-suq u bosta minn dawn is-swieq jiddependu ħafna fuq il-mudell ta’ negozju ta’ prezzijiet baxxi biex jiżviluppaw u jsostnu l-flussi tat-traffiku. Skont l-ELFAA dawn ir-rotot huma ta’ valur soċjali u ekonomiku fil-kuntest tal-koeżjoni Ewropea u l-iżvilupp reġjonali.

2.6   Mill-2005, l-Istati Membri żammew lura milli jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-bosta drabi fejn l-ajruporti jew il-komunitajiet lokali offrew sussidji; il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni ma ggwidawx il-ħolqien ta’ skemi nazzjonali li jiddefinixxu b'mod preċiż il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jingħataw għajnuniet, u forsi agħar minn hekk, fil-ftit każijiet fejn dawn ġew notifikati u taw bidu għal proċedura formali mill-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ma ttieħdux malajr u ħafna każijiet baqgħu ma ġewx riżolti. Dan wassal biex tinħoloq ċerta attitudni ta’ impunità u “laissez-faire”.

2.7   L-idea ta’ ajruport bħala forza mexxejja ekonomika tal-iżvilupp ekonomiku għar-reġjun ġiet promossa minn żieda diretta fis-separazzjoni (finanzjarja) mill-Istat, bit-trasferiment lir-reġjuni u awtoritajiet lokali oħra tad-dover ta’ superviżjoni, ġestjoni u finanzjament ta’ dawn l-infrastrutturi essenzjali. L-awtoritajiet reġjonali qed jikkunsidraw aktar u aktar l-ajruport bħala wieħed mill-għodod importanti għall-iżvilupp tal-ekonomija lokali.

2.8   Attwalment il-Kummissjoni għandha għadd sinifikanti ta’ lmenti fis-settur, fuq naħa minn eks-trasportaturi tal-bandiera kontra l-linji tal-ajru bi prezz baxx, u fuq oħra minn dawn il-linji tal-ajru bi prezz baxx kontra l-istess eks-trasportaturi tal-bandiera. Mill-2005, l-għadd ta’ notifiki lill-Kummissjoni kien pjuttost baxx meta mqabbel mat-tkabbir enormi tal-ajruporti reġjonali fl-UE.

2.9   Ir-riżultati ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-Kummissjoni jixhdu li jinħtieġu:

semplifikazzjoni u żieda fit-trasparenza tal-linji gwida,

appoġġ għal aktar infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti,

kategorija ġdida ta’ regoli sabiex jiġi evitat it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-ajruporti li jaqdu l-istess żona,

aktar ċarezza u prevedibbiltà għar-regoli dwar l-għajnuna mill-investiment (definizzjonijiet ċari tal-parametri finanzjarji).

2.10   Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-istess fehma tal-partijiet interessati importanti li r-reviżjoni tal-linji gwida attwali dwar l-avjazzjoni hija assolutament meħtieġa, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali din għandha ssir l-aktar fis possibbli. L-iżvilupp ta’ ajruport reġjonali huwa importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni territorjali u jeħtieġ regoli ċari li jirregolaw l-għajnuna mill-istat.

2.11   Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn li jitħejja studju li jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna statli u prattiki simili f'dik li għandha x'taqsam l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni. B'mod partikolari, sabiex jiġi valutat kemm il-prattika attwali tgħawweġ jew le l-kundizzjonijiet ugwali bejn l-ajruporti kif ukoll fost il-linji tal-ajru, l-istudju għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont u t-tip ta’ għajnuna mogħtija, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp/l-effiċjenza eknomiku/a reali, u l-impatt kwantitattiv u kwalitattiv fuq l-impjieg.

2.12   Il-kriżi ekonomika fid-dinja ta’ llum, u b'mod partikolari il-pressjonijiet baġitarji li qed jiżdiedu fl-UE u fl-Istati Membri, jistgħu jkunu ta’ sfida għall-politika eżistenti tal-għajnuna mill-istat għall-iżvilupp ta’ ajruport reġjonali. Jeħtieġ li nifhmu aħjar kemm il-mudell ekonomiku attwali tal-funzjonament tal-ajruport reġjonali huwa sostenibbli fit-tul. Kif turi d-diskussjoni attwali dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020, hija sfida kbira biex fl-UE jsir iktar b'inqas flus disponibbli. Dan japplika ċarament ukoll għall-kwistjoni diskussa f'din l-opinjoni.

3.   Is-suq

3.1   Hemm madwar 460 ajruport użati għall-avjazzjoni kummerċjali fl-Istati Membri tal-UE. Fl-2010, madwar 60 % tal-ajruporti fl-UE qdew anqas minn miljun passiġġier.

3.2   Is-suq tat-trasport bl-ajru evolva drammatikament dawn l-aħħar snin: l-LCC żviluppaw mudelli ta’ negozju ġodda u komprensivi marbuta mal-ajruporti reġjonali u kisbu ishma sostanzjali tas-suq. Fl-istess ħin, l-eks-trasportaturi nazzjonali kważi kollha għaddew minn proċess ta’ ristrutturazzjoni, li kompla jikkonsolida l-preżenza tagħhom fl-Ewropa.

3.3   Fl-2005, l-LCCs kellhom 25 % mis-sehem tas-suq intra-Ewropew, filwaqt li fl-2010 dan żdied għal 39 %. Meta jiġi inkluż biss traffiku minn punt għal punt, dan is-sehem jitla' għal 43 %. Mill-2008 sal-2010, il-linji tal-ajru tradizzjonali tan-“netwerk” – membri tal-AEA – esperjenzaw telf sostanzjali fuq l-operazzjonijiet intra-Ewropej tagħhom, u minkejja r-riżultati pożittivi tagħhom fuq distanzi twali (EUR 1 biljun fl-2008, EUR 100 miljun fl-2009 u EUR 1,1 biljun fl-2010), l-EBIT ġenerali kien negattiv minħabba l-piż negattiv ta’ rotot intra-Ewropej fuq distanzi qosra.

3.4   Skont l-ELFAA, sal-2020, fuq il-bażi ta’ tendenzi attwali u pjani ta’ rimpjazzament tal-flotta tal-linji tal-ajru, is-sehem tal-linji tal-ajru bi prezz baxx mistenni jiżdied għal bejn 45 % u 53 % tal-vjaġġi intra-Ewropej tal-passiġġieri tal-ajru. Għall-vjaġġi minn punt għal punt, is-sehem tas-suq tal-kumpaniji bi prezz baxx mistenni jiżdied għal bejn 50 % u 60 %. Matul din l-aħħar kriżi, l-LCCs ma kinux qed jagħmlu telf ta’ flus daqs kemm kienu qed jagħmlu t-trasportaturi tan-“netwerk”.

3.5   L-LCCs huma bil-qabda l-atturi predominanti fl-operazzjonijiet reġjonali minn punt għal punt. Fil-kategorija LCC, tliet trasportaturi għandhom iktar minn 52 % ta’ dak is-suq, filwaqt li t-tliet trasportaturi l-kbar tan-“netwerk” jirrappreżentaw biss 22 % tas-suq intern tan-netwerk. Jekk jiġu kkombinati a) is-sehem miżjud tal-LCCs fuq ir-rotot intra-Ewropej, u b) is-sehem miżjud ta’ rotot reġjonali minn punt għal punt kontra l-operazzjonijiet tradizzjonali minn ċentru għal ċentru (hub-to-hub), wieħed jista' jinnota li llum hemm iktar possibbiltajiet offruti minn qabel, iżda dik il-parti minn din iż-żieda offruta (l-iktar f'dak li hu minn punt għal punt) hija żgurata minn numru limitat ta’ kompetituri.

3.6   Bl-eċċezzjoni tal-ajruporti ċentrali kbar Ewropej u l-akbar ajruporti reġjonali, għadd kbir ta’ ajruporti reġjonali Ewropej ma jistgħux jitqiesu ekonomikament vijabbli meta tiġi kkunsidrata l-ispiża reali tal-infrastruttura. Bosta ajruporti reġjonali żgħar ma jistgħux jerfgħu l-piż tal-ispejjeż għall-infrastruttura, li huma ffinanzjati minn fondi disponibbli oħra, ta’ spiss fil-livell reġjonali. Għadd kbir ta’ ajruporti ser ikollhom sempliċement jagħlqu jekk ser ikollhom iħallsu għall-ispiża reali tal-infrastruttura.

3.7   Huwa importanti niftakru li l-Ewropa ser tiffaċċja nuqqas ta’ kapaċità tal-ajruporti fis-snin li ġejjin. L-istudju tal-Eurocontrol “L-isfidi tat-tkabbir” (“Challenges of growth” (2008)) kif ukoll Tbassir fit-Tul li sar dan l-aħħar (Long-Term Forecast (2010)) jenfasizzaw in-nuqqas ta’ kapaċità fl-ajruporti Ewropej fid-dawl tat-tkabbir imbassar fit-traffiku sal-2030 (16,9 miljun titjira, 1,8 darbiet in-numru ta’ titjiriet fl-2009). Skont dawn ir-rapporti awtorevoli, minkejja ż-żieda ppjanata tal-kapaċità ta’ 41 % fin-netwerk Ewropew tal-ajruporti sal-2030, perċentwal allarmanti ta’ 10 % tat-titjiriet kollha mhux ser ikun akkomodat minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tal-ajruporti.

3.8   Filwaqt li l-finanzjament estern tal-infrastruttura ġeneralment mhuwiex kwistjoni ewlenija għall-ajruporti l-kbar, dan huwa vitali għal ħafna mill-ajruporti reġjonali li m'għandhomx l-ekonomiji ta’ skala u d-dħul kummerċjali li jippermettulhom jiġġeneraw il-marġini meħtieġa biex jiffinanzjaw l-infrastruttura tagħhom.

3.9   Suq ġdid minn punt għal punt huwa kemm opportunità kif ukoll kawża ta’ inċertezza għal ċerti ajruporti reġjonali minħabba suq verament volatili. B'mod partikolari, l-LCCs huma kapaċi jorganizzaw mill-ġdid l-inġenji tal-ajru u l-ekwipaġġi tagħhom madwar l-Ewropa fi żmien qasir ħafna, skont il-potenzjal ekonomiku ta’ rotta ġdid lejn ajruport alternattiv. L-istabbiltà u l-prevedibbiltà tad-dħul ta’ dawn l-ajruporti qed jiġu ddubitati.

3.10   Għajnuna għall-bidu ta’ negozju skont il-Linji Gwida attwali rriżultat f'“tellieqa ta’ investiment” bejn ir-reġjuni differenti biex jiżviluppaw l-ajruporti reġjonali tagħhom, ta’ spiss anki permezz tal-użu tal-fondi tal-UE. Jekk ajruport reġjonali jispiċċa f'diffikultajiet finanzjarji, ir-reġjuni jitolbu għal iktar għajnuna, bl-argument li dawn l-ajruporti reġjonali mhux qed jintużaw biżżejjed u jirrappreżentaw spiża meħtieġa għall-komunitajiet lokali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-industrija tal-kumpaniji tal-ajru fuq medda twila ta’ żmien hija industrija bi profitti baxxi ħafna, u diġà hija kompetittiva ħafna. F'ambjent bħal dan anki sussidji żgħar jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni, u għaldaqstant jeħtieġ li din il-problema tiġi ttrattata b'aktar reqqa.

4.2   Id-domanda importanti hija din: liema tip ta’ approċċ neħtieġu filwaqt li jitħejjew Linji Gwida ġodda dwar l-Avjazzjoni? L-għażliet huma bosta.

4.2.1   Skont l-ELFAA, huwa kruċjali li jiġi żblukkat il-potenzjal tal-ajruporti reġjonali biex jitkompla l-proċess tal-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp reġjonali fl-UE, kif ukoll it-tneħħija tal-konġestjoni mill-ajruporti “ċentrali” tal-linji tal-ajru tan-“netwerk”. L-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali jfisser aktar impjiegi, aktar opportunitajiet għan-negozju fiż-żoni periferali tal-UE, inqas emissjonijiet permezz ta’ konnessjonijiet diretti minn reġjun għal reġjun minflok titjiriet diretti minn ajruporti ċentrali, u inqas emissjonijiet mit-trasport fuq l-art permezz tal-użu, mill-passiġġieri, tal-ajruporti lokali tagħhom. It-tkabbir tal-ajruporti reġjonali, skont l-ELFAA, għandu jitħeġġeġ minn Linji Gwida flessibbli dwar l-għajnuna mill-istat li jiffukaw fuq il-Prinċipju ta’ Investitur f'Ekonomija tas-Suq (Market Economy Investor Principle – MEIP) iktar milli regoli riġidi li jipprevjenu t-tkabbir fejn hemm id-domanda għat-tkabbir.

4.2.2   Skont l-AEA, il-linji gwida l-ġodda għandhom ifittxu li jipproteġu t-trasportaturi kollha li joperaw fl-industrija minn għajnuniet finanzjarji diskriminatorji u mhux ċari lil-linji tal-ajru minn ajruport reġjonali jew komunitajiet lokali. Din l-għajnuna għandha tkun possibbli biss f'każijiet strettament definiti u għandha tkun limitata skont il-perjodu ta’ żmien u l-intensità. Barra minn hekk, din l-għajnuna għandha tingħata biss fuq bażi awtonoma fir-rigward tal-prinċipji ta’ trasparenza, trattament ugwali u l-ebda diskriminazzjoni bejn l-operaturi.

4.2.3   Skont l-ACI EUROPE, il-prinċipju gwida għall-valutazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna mill-istat għandu jkun id-distorsjoni possibbli tal-kompetizzjoni minn ajruport f'termini ta’ volum tat-traffiku.

4.2.3.1   L-eżenzjoni tal-ajruporti fil-kategorija D (sa miljun passiġġier): huwa rikonoxxut sew li ajruporti li jaqgħu taħt ċertu limitu normalment mhumiex kummerċjalment vijabbli u jeħtieġu finanzjament pubbliku. Barra minn hekk, dawn l-ajruporti ż-żgħar ta’ spiss jiżguraw il-konnettività territorjali ta’ reġjuni u konurbazzjonijiet u ta’ spiss ma jaffettwawx ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali fl-UE minħabba l-volum limitat tat-traffiku tagħhom. Għaldaqstant, skont l-ACI, l-użu tal-fondi pubbliċi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida u rotot ġodda għandu jiġi permess mingħajr notifika minn qabel. Madankollu, kwalunkwe finanzjament pubbliku għandu jispiċċa malli jintlaħaq il-limitu ta’ miljun passiġġier.

4.2.3.2   Il-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura u l-finanzjament ta’ għajnuna għal bidu ta’ negozju mill-ajruporti 'l fuq minn miljun passiġġier għandhom jikkonformaw ma’ Test tal-Investitur Privat (Private Investor Test – PIP) li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-ajruport.

4.3   Il-KESE jappoġġja l-fehma mressqa mill-Kummissjoni li fir-rigward tar-reviżjoni tal-approċċ ġenerali għall-għajnuna mill-istat koperta mil-linji gwida, għandhom jitħaddnu l-prinċipji li ġejjin:

M'għandux ikun hemm tgħawwiġ fil-kompetizzjoni,

L-iżvilupp u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni għandhom jitjiebu billi jkompli jiġi permess it-trasport bl-ajru reġjonali,

Għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ ajruporti li ma jagħmlux profitt,

Għandhom jiġu evitati l-ħolqien u ż-żamma tal-kapaċità żejda.

4.4   Għandhom jiġu promossi l-iżvilupp ta’ ajruporti li huma kapaċi jkopru l-ispejjeż tagħhom u iktar involviment ta’ investituri privati. Il-KESE, min-naħa l-oħra, jifhem u jappoġġja l-ħtieġa għal obbligu ta’ servizz pubbliku għal servizz tal-ajru ta’ interess ekonomiku, b'mod speċjali li joħloq konnessjoni bejn reġjuni remoti u ġżejjer.

5.   Rakkomandazzjonijiet

5.1   Il-KESE jippromovi l-ħtieġa għal qafas legali tal-UE standardizzat għas-settur tal-avjazzjoni kollu, li jipprevjeni prattiki ta’ sussidju mhux kontrollati u jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti kollha tas-suq anki fil-livell lokali.

5.2   Bħala prinċipju ġenerali, l-investiment privat ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Fl-istess ħin, operatur pubbliku jista' jaġixxi bħala investitur privat jekk l-investiment huwa kummerċjalment ġustifikabbli.

5.3   Il-Linji Gwida l-ġodda li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jipproteġu lit-trasportaturi u l-ajruporti kollha minn għajnuna finanzjarja diskriminatorja, mhux ċara u li toħloq distorsjoni minn gvernijiet jew ajruporti reġjonali. Il-finanzjament pubbliku m'għandux jgħawweġ il-kompetizzjoni la bejn l-ajruporti u lanqas bejn il-kumpaniji tal-ajru. Il-KESE ma jqisx neċessarji eżenzjonijiet ta’ kategorija għal ċerti kategoriji ta’ ajruporti jew kumpaniji tal-ajru sabiex jiżdied l-iżvilupp reġjonali.

5.3.1   L-għajnuna mill-istat għal investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport u għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru għandha tkun possibbli biss f'każijiet strettament definiti, u għandha tkun limitata skont il-perjodu ta’ żmien u l-intensità. Barra minn hekk, għandha tingħata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tat-trasparenza, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni.

5.3.2   Fir-rigward tat-trasparenza, il-kundizzjonijiet li bihom hija disponibbli l-għajnuna pubblika għandhom jiġu ppubblikati għall-pubbliku. Għandu jkun hemm żvelar sħiħ tal-għajnuna disponibbli lill-ajruporti u t-trasportaturi u l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna setgħet ingħatat.

5.3.3   Il-Linji Gwida l-ġodda għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ sett ċar u sempliċi ta’ regoli sabiex tinkiseb ċertezza legali għas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni adegwata tal-Linji Gwida; l-infurzar huwa ta’ valur kbir.

5.4   Il-linji gwida l-ġodda għandhom iqisu l-interess tal-impjegati u l-vjaġġaturi. Peress li r-riżorsi umani huma komponent essenzjali tal-kwalità tas-sistema tat-trasport bl-ajru, jeħtieġ li industrija sostenibbli tal-avjazzjoni ċivili toffri impjieg ta’ kwalità u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol. F'din l-ordni tal-ideat huwa importanti li jiġi stimulat id-djalogu soċjali sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur.

5.5   Il-KESE jitlob għal politika fit-tul fir-rigward tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali. Il-linji gwida tal-avjazzjoni jistgħu jiġu infurzati b'suċċess biss jekk jintlaħaq ftehim fuq il-prijoritajiet ta’ politika tal-ajruporti reġjonali. Ser ikun il-kompitu tal-Kummissjoni li tfassal din l-aġenda ta’ politika sabiex din titħejja mingħajr iktar dewmien.

5.6   Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ u impenn b'saħħithom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida l-ġodda. In-notifika għandna tintbagħat fil-każijiet tal-għajnuna mill-istat.

5.7   It-tlestija ta’ komodalità effiċjenti bejn it-trasport bil-ferrovija u t-trasport bl-ajru teħtieġ li tiġi studjata u implimentata aktar biex jinfetħu ċerti żoni sabiex jiġu sodisfati rekwiżiti ambjentali.

5.8   Hija partikolarment relevanti minħabba l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid. Li nagħmlu iktar b'baġit iżgħar jeħtieġ prijoritajiet ċari. L-iżvilupp reġjonali huwa importanti ħafna, iżda m'għandux jiġġustifika aktar l-iżvilupp tal-ajruporti, fejn ma hemm l-ebda possibbiltà li tinħoloq biżżejjed domanda.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-482 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012

4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: x’tgħallimna mill-esperjenza reċenti? (Green Paper)”

COM(2012) 7 final

2012/C 299/11

Relatur: is-Sur PEZZINI

Korelatur: is-Sur STUDENT

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar

Ristrutturazzjoni u antiċipazzjoni tal-bidla: X’tgħallimna mill-esperjenza reċenti?

COM(2012) 7 final.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ewwel u qabel kollox il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq jinnota li l-kumpaniji jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, l-atturi ewlenin fi strateġiji għall-adattament tal-unitajiet li joperaw fis-swieq, u għaldaqstant huma fil-qalba ta’ kull proċess ta’ ristrutturazzjoni.

1.2

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tar-rwol li qdiet u li qed taqdi l-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) fil-qasam tar-ristrutturazzjoni industrijali, bħala pjattaforma għal djalogu kostruttiv u t-tfassil ta’ ideat u rakkomondazzjonijiet lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

1.3

Il-KESE jafferma mill-ġdid li r-ristrutturazzjoni ġeneralment tinvolvi proċessi kumplessi. L-antiċipazzjoni tal-bidla tfisser li l-kumpaniji u l-impjegati jkunu preparati għall-isfidi li se jiffaċċjaw, filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt soċjali tal-bidliet u jiġu massimizzati l-possibilitajiet ta’ suċċess, biex b’hekk tinħoloq klima ta’ fiduċja reċiproka u jkunu involuti, b’determinazzjoni, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata.

1.4

Il-ħaddiema u l-kumpaniji fl-UE bħalissa qed jiġu ffaċċjati minn:

bidliet mgħaġġlin fis-swieq ta’ referenza lokali u internazzjonali;

imsieħba globali ġodda li qed jikbru fis-saħħa;

l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li qed iħaffu l-proċessi ta’ skadenza;

konsumaturi dejjem iżjed informati dwar ir-rwol tagħhom fl-orjentament tal-konsum u tal-investiment b’rispett għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

xejriet demografiċi li qed jenfasizzaw il-fenomenu tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ;

bidliet kbar fis-swieq tax-xogħol, akkumpanjati minn “dumping” soċjali mifrux ħafna;

u bħalissa, l-impatt kontinwu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u dgħufija ċara tal-Ewropa fis-swieq dinjija.

1.5

Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din il-Green Paper, li ġiet f’mument opportun, iżda jittama li lil hinn minn dan il-proċess ta’ diskussjoni ikun hemm azzjoni prattika u effikaċi, li tinvolvi approċċ integrat fil-livelli kollha ta’ produzzjoni, konsum u servizzi. Dan jesiġi l-interazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni, flimkien mal-iskambju ta’ prattika tajba fil-qasam kif ukoll kalendarju li jistabbilixxi skadenzi preċiżi għall-implimentazzjoni ta’ linji gwida, standards u punti ta’ riferimenti, imsejsa fuq l-istandards Ewropej u l-valuri komuni u kondiviżi.

1.6

Il-KESE jaħseb li hija ta’ importanza fundamentali, fir-rigward tal-antiċipazzjoni u r-ristrutturazzjoni, li jiġu vvalutat ir-rwol tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili organizzata u tal-konsumaturi fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-kumpaniji, bil-parteċipazzjoni ta’ mexxejja u netwerks tal-għarfien u tal-ħiliet lokali.

1.7

Fil-fehma tal-KESE, id-djalogu soċjali, in-negozjar u l-parteċipazzjoni mhumiex biex valuri fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew, iżda wkoll għodod li jippromovu u jagħtu appoġġ reali lill-koeżjoni soċjali, l-impjieg ta’ kwalità, il-ħolqien tal-impjieg u l-isforzi biex jissaħħu l-innovazzjoni u l-kompetittività madwar l-ekonomiji Ewropej.

1.8

Il-KESE jaħseb li l-politiki strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE, kif ukoll il-politiki tal-innovazzjoni u tar-riċerka tagħha, għandhom ikunu mmirati lejn l-appoġġ proattiv biex isawru l-mekkaniżmi għall-antiċipazzjoni u l-akkumpanjar tar-ristrutturazzjoni f’sistemi fejn kulħadd rebbieħ, kemm il-ħaddiema kif ukoll il-kumpaniji.

1.9

Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali jaqdu rwol ikbar fil-korpi ta’ monitoraġġ tal-Fond Strutturali, sabiex jiżguraw is-suċċess tal-politika strutturali Ewropea.

1.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri ta’ politika strutturali jkunu marbuta mill-qrib ma’ xulxin u kkoordinati ma’ dawk li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, u jappoġġjaw, permezz tal-investiment u l-politiki industrijali, it-tranżizzjoni għal ekonomija Ewropea b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

1.11

Il-KESE jemmen li l-programmi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja tal-UE għandhom jitqiesu bħala għodod ewlenin, tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-intrapriżi, sabiex tiġi antiċipata b’mod proattiv il-bidla, flimkien mal-isforzi kontinwi tal-atturi ekonomiċi, l-iżjed l-SMEs, u l-ħaddiema.

1.12

Il-KESE japprova koordinazzjoni iktar mill-qrib fil-livell tal-UE bejn il-politiki u s-servizzi, l-aġenziji u l-osservatorji diversi tal-Kummissjoni, sabiex il-kumpaniji li qed jirristutturaw jirċievu appoġġ ċar u konsistenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, l-SMEs u l-mikrointrapriżi li jgħaddu minn diffikultajiet ċari fl-antiċipar tar-ristrutturazzjoni, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmi adegwati ta’ għajnuna u ta’ gwida.

1.13

Il-KESE jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-għajnuna statali għall-appoġġ tal-impjieg fin-negozji affettwati mill-globalizzazzjoni tkun imsejsa fuq kundizzjonijiet li jiggarantixxu kompetizzjoni ħielsa u leali.

1.14

Fl-aħħar nett, il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ il-politika tal-UE għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ eżerċizzji parteċipattivi ta’ antiċipar, territorjali u settorjali, bil-għan li tintlaħaq viżjoni komuni u aċċettabbli b’mod reċiproku, parzjalment billi jsir iżjed mill-fatturi lokali, sabiex jinħoloqu iżjed impjiegi ta’ kwalità aħjar f’negozji f’saħħithom u kompetittivi.

1.15

Meta wieħed iqis l-iżviluppi demografiċi tal-Ewropa, il-KESE jqis partikolarment importanti politika attiva quddiem it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-hekk imsejjaħ “Silver economy”, biex il-produzzjoni u s-servizzi jiġu adattati għal dawn l-opportunitajiet ġodda.

2.   Introduzzjoni

2.1

Għadna ’l bogħod miż-żmien meta l-ekonomija Ewropea tibda tirkupra u toħroġ mill-ikbar kriżi f’deċennji. Il-kriżi qed toħloq pressjoni kbira fuq il-finanzi pubbliċi u l-gvernijiet u qed twassal għal razzjonalizzazzjoni, ristrutturazzjoni u l-għeluq ta’ negozji fl-ekonomija reali, b’effetti drammatiċi fuq il-qgħad.

2.2

Din ir-ristrutturazzjoni tinvolvi proċessi kumplessi u fuq ħafna livelli, u bidliet fl-istrateġiji tan-negozju fir-rigward tal-organizzazzjoni, il-forma, id-daqs u l-attivitajiet tal-kumpaniji.

2.2.1

Fuq kollox, għandhom jiġu individwati fil-livell reġjonali objettivi ekonomiċi u operattivi multipli relatati mas-sitwazzjoni fis-swieq dinjija u setturi li fihom topera l-kumpanija.

2.3

Filwaqt li jitqiesu l-interessi u l-imġieba tal-konsumaturi, dan il-proċess għandu jieħu d-direzzjoni lejn l-antiċipar tal-possibilitajiet professjonali fis-setturi li qed jiġu żviluppati, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs, li qed ibatu mill-konsegwenzi l-iżjed serji tal-kriżi attwali.

2.4

L-antiċipazzjoni tal-bidla ma tfissirx biss li l-kumpaniji u l-impjegati jiġu ppreparati għall-isfida ta’ żviluppi futuri, iżda wkoll li titwettaq ir-ristrutturazzjoni neċessarja sabiex jintlaqgħu dawn l-isfidi, filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt soċjali tal-bidliet, tiġi żgurata l-istabbilità u t-tnaqqis tal-ispejjeż, flimkien mar-rispett tal-ambjent u tal-iżvilupp sostenibbli: il-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej, u l-istudji li dawn jagħmlu, jistgħu jagħtu prospettivi konkreti, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-kumpaniji.

2.5

Tul dawn l-aħħar għoxrin sena rajna żieda fil-fenomeni ta’ pożizzjonar mill-ġdid fis-suq, rilokazzjonijiet, riorganizzazzjoni u/jew l-għeluq ta’ unitajiet tal-produzzjoni, kif ukoll fużjonijiet, akkwisti u/jew l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet. Madankollu, tul dawn l-aħħar erba’ snin, l-Ewropa qed tiffaċċja l-ħtieġa dejjem iżjed urġenti li ssaħħaħ in-natura antiċipatorja ta’ dawn il-proċessi, meta wieħed iqis ir-ritmu tal-bidla u l-bżonn urġenti għar-ristrutturazzjoni li nħoloq mill-kriżijiet ekonomiċi, finanzjarji u tas-swieq li qed jiggravaw. Anke fenomeni bħaż-żieda kbira fiċ-ċifri fil-qasam tal-bejgħ fuq l-internet u l-bejgħ transkonfinali għandhom influwenza fuq is-swieq fil-pajjiżi differenti.

2.6

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja mhux biss qed tintensifika l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni fil-livelli diversi, iżda qed twassal ukoll għal miżuri ta’ awsterità u tnaqqis fl-infiq pubbliku, u konsegwentement telfien kbir ta’ impjiegi fis-settur pubbliku, filwaqt li ddgħajjef is-sistemi ta’ ħarsien soċjali għall-ħaddiema, il-komunitajiet lokali u l-kumpaniji f’ħafna pajjiżi.

2.7

L-objettiv tal-Kummissjoni f’termini ta’ ristrutturazzjoni huwa li tgħin u xxerred il-kultura tal-antiċipazzjoni u l-innovazzjoni fir-rigward tal-mod kif titwettaq ir-ristrutturazzjoni. L-UE taqsam ir-responsabbiltà mal-Istati Membri “sabiex jistgħu jitwettqu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea” (Artikolu 145 TFUE).

2.8

Lura fl-2005, fil-komunikazzjoni tagħha dwar ir-ristrutturazzjoni u l-impjieg, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-problemi konnessi mal-ispejjeż soċjali tar-ristrutturazzjoni, mhux biss għall-ħaddiema stess, li dejjem aktar jgħaddu minn inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, iżda wkoll għad-diversi setturi tal-ekonomija.

2.9

Għalkemm ir-ristrutturazzjoni primarjament hija rregolata fil-livelli nazzjonali u reġjonali, l-UE għandha responsabbiltà sinifikanti f’termini tal-ġestjoni, is-superviżjoni u l-aċċellerazzjoni ta’ dawn il-proċessi. Huwa meħtieġ li hija tissorvelja l-funzjonament adatt tal-qafas regolatorju tal-UE rigward kemm l-informazzjoni u l-konsultazzjoni kif ukoll il-ħarsien tal-ħaddiema (1), u li taqdi rwol attiv hawnhekk, rwol li għandu l-għeruq tiegħu essenzjalment fl-istrateġija Ewropa 2020 u l-obbligi stipulati fit-Trattat.

2.10

Jekk l-UE tixtieq li jkollha suċċess fl-indirizzar tal-isfidi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-tendenzi demografiċi u ż-żieda fl-inugwaljanzi li jinħolqu mill-ispejjeż soċjali tal-programmi ta’ awsterità, trid tiżviluppa u ssaħħaħ strateġiji proattivi għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni, li jissejsu fuq sensiela komuni ta’ valuri u prattiki konsistenti mal-objettivi soċjoekonomiċi ewlenin tat-Trattat.

2.11

Taħt il-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020 (adottati mill-Kunsill fit-22 ta’ April 2010), l-UE u l-Istati Membri għandhom b’hekk jimplimentaw riformi mmirati lejn it-“tkabbir intelliġenti”, immexxija mill-għarfien u l-innovazzjoni, u mmirati lejn il-ħtiġijiet u l-imġieba tal-konsumaturi, bl-objettiv ta’:

il-promozzjoni ta’ riformi strutturali kkoordinati li effettivament jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-impjieg u jsaħħu l-kompetittività tal-UE fl-ekonomija globali;

l-iżgurar tal-funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol billi jsir investiment f’tranżizzjonijiet li jkollhom suċċess, l-iżvilupp ta’ ħiliet adatti, it-titjib tal-kwalità tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad stutturali, dak fit-tul u n-nuqqas ta’ impjieg;

it-titjib tal-ambjent tan-negozju u t-tħeġġiġ tal-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda u ta’ impjiegi ġodda, speċjalment fl-ekonomija ekoloġika u s-“silver economy”;

it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, l-iżgurar tal-aċċess għal kulħadd u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn it-taħriġ, id-dinja akkademika u s-suq tax-xogħol;

il-promozzjoni ta’ mudelli proattivi ta’ prattiki tajbin, li huma kapaċi jantiċipaw ir-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji, neċessarji f’suq tax-xogħol li jinsab fi stat ta’ tranżizzjoni;

it-titjib tal-qafas regolatorju sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien madwar l-UE;

it-tħeġġiġ tal-intraprenditorija u l-għoti ta’ għajnuna sabiex ideat kreattivi jiġu żviluppati fi prodotti, servizzi u proċessi li jistgħu joħolqu impjiegi ta’ kwalità;

it-trawwim ta’ koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali;

l-indirizzar ta’ sfidi soċjetali Ewropej u globali b’iktar effiċjenza.

2.12

Fir-rigward tal-appoġġ għar-ristrutturazzoni korporattiva u settorjali, huwa vitali li l-kumpaniji jkollhom sistemi ta’ twissija bikrija (ara l-Immonitorjar tar-Ristrutturar Ewropew (MRE)) bħala prekundizzjoni għall-ippjanar effettiv tal-proċessi ta’ ristrutturazzjoni, li jsir qbil fuqhom bejn il-partijiet interessati kollha. Dan huwa parzjalment biex jiġi żgurat it-taħriġ mill-ġdid adatt tal-ħaddiema, iżda wkoll biex jiġi żgurat li jiġu żviluppati netwerks settorjali u intersettorjali li jistgħu jiġġestixxu l-bidla b’mod intergrat, bl-għajnuna ta’ linji gwida professjonali li jiżguraw livelli għoljin ta’ impjegabilità.

2.13

Fit-18 ta’ April 2012, fi Strasburgu, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tal-impjieg ġdid tagħha – li dwaru l-KESE għandu joħroġ opinjoni – u li jappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki interni tal-impjieg tagħhom, u jwitti t-triq għal koordinazzjoni msaħħa u l-monitoraġġ tal-politiki tal-impjieg.

3.   Il-Green Paper tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji u l-antiċipazzjoni tal-bidla, bil-għan li “tidentifika prattiki u politiki ta’ suċċess fil-qasam”.

3.2

Il-Green Paper jinkludi sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-kriżi, l-adattament ekonomiku u industrijali possibbli, il-kapaċità tal-kumpaniji u l-ħaddiema li jadattaw, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-rwol tat-taħriġ professjonali fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u fid-djalogu bejn l-atturi ekonomiċi u soċjali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Fil-fehma tal-KESE, il-Green Paper għandu jitqies bħala segwitu tal-komunikazzjoni tal-2005 dwar ir-ristrutturazzjoni u l-impjieg, li kellha l-għan li tiddefinixxi r-rwol tal-UE fl-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-proċessi ta’ ristrutturazzjoni, sabiex jissaħħaħ l-impjieg.

4.2

Il-KESE iħoss li l-komunikazzjoni tal-2005 ġabet magħha zviluppi pożittivi fil-livell tal-UE f’termini ta’ promozzjoni ta’ approċċ Ewropew għall-antiċipazzjoni u r-ristrutturazzjoni, inklużi għadd ta’ konferenzi tematiċi ta’ livell għoli u seminars immexxija mill-esperti (fora tar-ristrutturazzjoni), inizjattivi tal-FSE, diversi studji komparattivi, pakketti ta’ għodod u linji gwida, b’eżempju ovvju jkun id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar “Restructuring in Europe 2011” (mhux disponibbli bil-Malti).

4.3

Il-KESE jinnota bi tħassib li l-approċċ tal-Green Paper ma jinkludix proposti għal azzjonijiet, fi ħdan kalendarju bi skadenzi preċiżi u qrib ta’ xulxin, bħala reazzjoni għall-kriżi attwali li hija gravi ħafna, u minflok timmira lejn sensiela ta’ mistoqsijiet miftuħa mingħajr ma tippreċiża perjodi ta’ żmien u modalitajiet ta’ implimentazzjoni. Għall-kuntrarju, huma iktar effikaċi l-miżuri indikati fi strumenti oħra, bħal fil-Pakkett tal-impjiegi, imniedi f’Mejju 2012, li dwarhom il-KESE ser ikollu l-opportunità jikkummenta.

4.4

Filwaqt li l-kumpaniji jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, l-atturi ewlenin fi strateġiji għall-adattament u l-ippożizzjonar tal-unitajiet li joperaw fis-swieq, u b’hekk fil-proċessi ta’ ristrutturazzjoni li jinħolqu minn dawn l-istrateġiji operattivi, il-fatturi li ġejjin iridu jitqiesu wkoll:

l-isfond ta’ ekonomiji globalizzati, bl-introduzzjoni ta’ pajjiżi ġodda li għandhom setturi dejjem iżjed promettenti u kompetittivi fis-swieq Ewropej u globali;

il-fatturi partikolari ta’ pajjiż speċifiku ġewwa u barra mill-Unjoni;

il-qafas fuq diversi livell tal-politiki ta’ referenza tal-UE, li jinfluwenza b’mod dirett il-funzjonament u l-għażliet ta’ kumpaniji, f’termini kemm tar-regoli applikabbli kif ukoll l-opportunitajiet strateġiċi u operattivi;

il-qafas nazzjonali/reġjonali, li jiġġestixxi l-kuntest tekniku u operattiv li fih joperaw il-kumpaniji u l-impjegati;

il-qafas territorjali li fih iseħħu l-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u l-proċessi għall-antiċipazzjoni, permezz ta’ koordinazzjoni bejn partijiet interessati esterni u kumpaniji, u li fihom jitwettqu fil-prattika mekkaniżmi ta’ gwida u ta’ appoġġ, b’mod speċjali għall-SMEs;

il-qafas ta’ djalogu soċjali u ta’ negozjar kollettiv u l-iżvilupp tar-rwol tal-imsieħba soċjali u l-korpi li jirrappreżentaw il-kumpaniji, li qed jaqdu rwol iktar kruċjali minn qatt qabel fl-adattament tal-produzzjoni, l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ċirkostanzi li qed jinbidlu malajr ħafna matul il-kriżi, bl-għajnuna ta’ sħubijiet soċjali tajbin.

4.5

Fil-livell tal-UE, il-KESE itenni li sabiex strateġija ta’ żvilupp titwettaq mill-bidu sal-aħħar (2), l-imsieħba soċjali tas-soċjetà ċivili organizzata kollha kemm hi għandhom jaħdmu lejn l-iżvilupp ta’ Responsabilità Soċjali Territorjali (RST) bil-għan li tiġi implimentata sensiela kkoordinata ta’ strateġiji, li tinkludi:

strateġija ta’ reżistenza u sopravvivenza li tippermetti l-operat fi swieq maturi permezz ta’ speċjalizzazzjoni aħjar fl-istess suq, bi tnaqqis tal-ispejjeż jew diversifikazzjoni qawwija f’setturi relatati;

strateġiji ta’ innovazzjoni tal-proċessi tal-prodotti u s-servizzi inklużi bidliet fis-swieq u t-teknoloġija, b’materjali ġodda li jwasslu għal prodotti ġodda;

inizjattivi ġodda permezz ta’ valutazzjonijiet ta’ previżjoni, dwar prodotti u servizzi ġodda li qed jespandu (bħal swieq mexxejja), li lejhom għandu jiġi mmirat l-investiment il-ġdid;

kummerċjalizzazzjoni lokali li tenfasizza l-eċċellenza, permezz ta’ ftehimiet ma’ ċentri tar-riċerka sabiex jiżdied l-iskambju ta’ għarfien teknoloġiku;

l-appoġġ finanzjarju permezz tal-fondi tal-iżvilupp, inkluż permez ta’ garanziji ta’ self taħt l-Fond Ewropew tal-Investiment, iżda wkoll il-Fondi Strutturali;

fir-rigward tal-kreditu, f’termini ta’ perjodi itwal ta’ ħlas għan-negozji mikro u żgħar, primarjament sabiex jitħarsu l-livelli ta’ impjieg;

konsolidazzjoni tad-dejn fuq perjodu qasir sabiex in-negozji mikro u żgħar ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ;

l-appoġġ għal settur tas-servizzi innovattiv (ekonomija ekoloġika) u servizzi lill-individwi (Silver economy), billi jiġi sfruttat il-vantaġġ ta’ opportunitajiet innovattivi ta’ taħriġ taħt il-Fond Soċjali Ewropew;

l-iżvilupp ta’ servizzi personali ta’ livell għoli parzjalment billi tissaħħaħ is-sistema soċjali u tal-kura tas-saħħa (3);

politiki tal-infrastruttura, li jikkontribwixxu għal għażliet iktar innovattivi għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

jissaħħu l-kriterji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dawk ambjentali, b’mod speċjali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

aċċess aħjar għall-informazzjoni;

ir-reġjuni jkollhom l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata u l-atturi ekonomiċi u soċjali kollha.

4.6

Il-KESE jaħseb li l-politiki strutturali u ta’ koeżjoni tal-UE, kif ukoll il-politiki tal-innovazzjoni u tar-riċerka tagħha, għandhom ikunu mmirati lejn l-appoġġ proattiv biex isawru l-mekkaniżmi għall-antiċipazzjoni u l-akkumpanjar tar-ristrutturazzjoni f’sistemi fejn kulħadd rebbieħ, kemm il-ħaddiema kif ukoll il-kumpaniji. Il-Fondi Strutturali, u b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fit-tisħiħ tal-impjegabilità tal-ħaddiema u l-minimizzar tal-impatt soċjali tat-telfien ta’ impjiegi.

4.7

Il-KESE jaħseb li huwa essenzjali li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata jaqdu rwol akbar fil-korpi ta’ sħubija u ta’ monitoraġġ tal-Fond Strutturali, u jenfasizza li s-suċċess tal-politika strutturali Ewropea jistrieħ fuq il-ħiliet speċifiċi tal-atturi relevanti bbażati f’qasam speċifiku.

4.8

B’mod partikolari, il-KESE jqis bħala importanti l-integrazzjoni ta’ politiki ta’ ristrutturazzjoni u politiki industrijali mmirati lejn it-tranżizzjoni għal ekonomija Ewropea b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, b’attenzjoni xierqa għall-eżiġenzi tal-klima u ambjentali, u bil-għan li jiġu żviluppati, b’finanzjamenti f’waqthom, impjiegi u ħiliet ġodda u ekoloġiċi, kif enfasizza l-KESE f’opinjonijiet preċedenti (4).

4.8.1

Anke fir-rigward tad-dikjarazzjoni tas-sena 2012 bħala s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv, il-KESE jaħseb li huma importanti l-iżvilupp tal-professjonalità tas-servizzi tal-NGOs, tal-ekonomija soċjali u tal-kumpaniji, biex jiġi appoġġat it-tixjiħ attiv u b’dinjità, u jiġu żviluppati prodotti u servzzi li jindirizzaw l-esiġenzi ta’ dan it-tip ta’ konsumatur (5).

4.9

Il-KESE jaħseb ukoll li l-programmi tal-UE tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja għandhom jitqiesu bħala għodod ewlenin għall-antiċipazzjoni proattiva tal-bidla, flimkien mal-isforzi kontinwi tal-kumpaniji u l-ħaddiema: kif intqal fil-Businesseurope, “72 % tal-kumpaniji fl-UE jikkontrollaw il-ħtieġa għal taħriġ tal-persunal tagħhom b’mod sistematiku. 32 % tal-ħaddiema fl-UE pparteċipaw fit-taħriġ iffinanzjat minn dawk li jħaddmuhom fl-2010”.

4.10

Bħala reazzjoni soċjali għall-kriżi, il-pakketti ta’ stimolu nazzjonali u l-proposti li ġew adottati s’issa ma kinux biżżejjed. Ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed il-ħtieġa vitali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-miżuri neċessarji biex tissaħħaħ id-domanda (bħal pakketti ta’ stimolu fiskali u politiki tal-pagi li huma kkoordinati aħjar).

4.10.1

L-għajnuna statali u l-finanzjament previst mill-Fondi Strutturali għall-appoġġ tal-impjieg fin-negozji affettwati mill-globalizzazzjoni u l-kriżi ta’ kreditu, għandhom ikunu bbażati fuq assigurazzjonijiet li din l-għajnuna m’għandhiex l-effett li xxekkel il-kompetizzjoni ħielsa. Fuq kollox għandhom isiru sforzi biex jiġu sostnuti l-livelli tal-impjieg; u l-ftehimiet kollettivi għandhom jiġu rrispettati. Pereżempju, iridu jiġu kkunsidrati l-iżviluppi li saru fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn mudelli ta’ “Persuni li jaħdmu għal rashom mingħajr persunal” jaħdmu tajjeb ħafna. Permezz ta’ din is-sistema, dawk li huma qiegħda jingħataw l-opportunità li joffru l-kapaċitajiet tagħhom u joħolqu l-impjiegi tagħhom stess.

4.11

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni iktar mill-qrib fil-livell tal-UE bejn il-politiki u s-servizzi tal-Kummissjoni, sabiex ikun jista’ jingħata appoġġ konsistenti għall-għażliet tal-kumpaniji li qed jirristrutturaw:

1.

Il-politiki Ewropej dwar l-impjieg u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-intrapriża u l-industrija, l-enerġija u l-ambjent, u l-ekonomija ekoloġika u l-ICT, kif ukoll il-politika dwar il-kummerċ u dik barranija kollha kemm huma għandhom jippreżentaw viżjoni ċara u komuni lit-tmexxija tal-kumpaniji Ewropej u lill-ħaddima, biex jiġu appoġġati fl-għażliet li jagħmlu fir-rigward ta’ aġġustamenti għal strateġiji u ħiliet.

2.

L-aġenziji tal-UE, bħal Cedefop f’Thessaloniki u Eurofound f’Dublin, l-osservatorji tal-UE, bħall-Osservatorju Ewropew għall-SMEs u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ fuq il-Bidla (EMCC), l-istituti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, bħall-IPTS f’Seville u attivitajiet ta’ previżjoni taħt it-titlu Ix-Xjenza u s-Soċjetà tal-FP7 RTD, għandhom kollha ifittxu konverġenza fl-attivitajiet tagħhom u jsibu bażi komuni bil-għan li jipprovdu oqfsa ċari u aċċessibbli għall-bidla, kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-ħaddiema.

4.12

Il-KESE huwa tal-fehma li hija ta’ importanza fundamentali li jissaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livelli kollha: id-djalogu soċjali, in-negozjar u l-parteċipazzjoni mhumiex biss valuri fundamentali tal-mudell soċjali Ewropew – li dejjem ġew appoġġati mill-KESE – iżda huma wkoll għodod li jappoġġaw u jippromovu koeżjoni soċjali li għandha suċċess, impjiegi ta’ kwalità, il-ħolqien ta’ impjiegi u huma l-ixprun għat-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-kompetittività madwar l-ekonomiji tal-Ewropa.

4.13

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza r-rwol li taqdi l-Kumissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), li taġixxi bħala forum prinċipali għad-djalogu kostruttiv u għat- tfassil ta’ ideat u rakkomandazzjonijiet, permezz tal-esperjenza miksuba b’suċċess sa mill-bidu tat-Trattat KEFA.

4.14

Kif urew ħafna studji u analiżijiet tal-aqwa prattika, kemm fil-livell tal-UE u nazzjonali, ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja fost l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali effettiv huma prerekwiżiti fundamentali għall-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tal-bidla bl-aħjar mod possibbli.

4.15

B’mod partikulari, il-KESE jemmen li d-djalogu, il-konsultazzjoni u n-negozjar għandhom ikunu l-pedamenti tat-toroq ta’ riforma u ta’ flessigurtà. Minn naħa waħda, il-kundizzjonijiet qafas iridu jiġu stabbiliti sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw – b’attenzjoni xierqa għal ċirkostanzi nazzjonali differenti – b’ħeffa u flessibilità għall-innovazzjoni u r-rekwiżiti tas-swieq u tal-utenti/konsumaturi; min-naħa l-oħra, l-adattabilità u l-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema jridu jiġu appoġġati u faċilitati.

4.16

Barra minn hekk, kif kien innota l-KESE preċedentement, “Il-flessigurtà taħdem biss jekk l-impjegati jkunu mħarrġa tajjeb. Hemm rabta mill-qrib bejn il-kompetenzi l-ġodda u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.”“Il-KESE jqis li l-miżuri maħsuba biex itejbu l-aspett tas-‘sigurtà’ (fis-sens usa’ tagħha) tal-flessigurtà – b’impjiegi stabbli – bħalissa huma ta’ prijorità assoluta.”

4.17

Il-KESE jqis bħala importanti wkoll għall-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi u l-kumpaniji tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jikkombinaw il-forzi tagħhom biex isaħħu l-firxa ta’ impjiegi u taħriġ disponibbli, billi jiżviluppaw profili u ħiliet professjonali ġodda u versatili u jiġi appoġġat it-tagħlim tul il-ħajja.

4.18

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza fundamentali ta’ mekkaniżmi li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha, li jkunu jitfasslu b’tali mod li jindirizzaw il-ħtiġiet ta’ profili professjonali u kwalifiki ġodda, speċjalment għaż-żgħażagħ, b’konformità mal-viżjoni msemmija fl-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi li dwarha l-KESE ħareġ Opinjoni (CESE 1172/2011) (6).

4.19

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-partijiet interessati fil-livell lokali, speċjalment billi f’dak il-livell attitudini pożittiva għall-bidla u l-eżistenza ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità għolja fi klima ta’ kunfidenza huma fatturi importanti għall-prevenzjoni jew il-limitar tal-konsegwenzi soċjali dannużi.

4.20

Il-KESE jemmen li l-SMEs ħaqqhom attenzjoni partikolari; miżuri adatti għandhom ikunu disponibbli għalihom mill-awtoritajiet pubbliċi u privati bħal ngħidu aħna l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati, kmamar tal-kummerċ, l-industrija u l-artiġjanat u istituzzjonijiet oħra, speċjalment fil-livelli lokali u reġjonali, b’aċċess preferenzjali għall-kreditu u t-taħriġ, kif ukoll miżuri xierqa għat-tnaqqis tal-burokrazija.

4.21

Konsultazzjonijiet u definizzjonijiet oħra ta’ politika ta’ previżjoni u ta’ ristrutturazzjoni jridu jkunu msejsa fuq ir-riżultati ta’ iktar minn seba’ snin ta’ studji u rapporti ddettaljati li twettqu fil-livell Ewropew.

4.22

Jekk fil-passat l-attenzjoni kienet fuq l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar prattiki tajba (7) u ta’ esperjenzi innovattivi, fil-futur l-UE għandha tikkonċentra iżjed fuq azzjonijiet konkreti, jiġifieri fuq l-iżvilupp u t-tkabbir u tiffavorixxi l-implimentazzjoni ta’ linji gwida komuni, standards u punti ta’ riferimenti msejsa fuq pakkett ta’ normi Ewropew u ta’ valur komuni.

4.23

L-aħħar iżda mhux l-anqas, il-KESE jenfasizza l-importanza tal-aspett uman: il-persuni – u l-familji – li huma vittmi tar-ristrutturazzjoni ta’ setturi u kumpaniji u li ta’ sikwit jiffaċċjaw sitwazzjonijiet drammatiċi li mhux dejjem jitqiesu b’mod xieraq. Iridu jiġu previsti mizuri ta’ għajnuna psikoloġika u soċjali, lil hinn mill-irkupru neċessarju tal-investimenti u r-ritorn tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli tal-impjiegi.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħol 2009/38/KE, ĠU 2009, L 122; Direttiva 2002/14/KE, ĠU 2002, L 80, Direttiva 2001/23/KE, ĠU 2001, L 82; Direttiva 98/59/KE, ĠU 1998, L 225; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, ĠU 2000, L 160.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-kriżi dinjija fuq is-setturi ewlenin Ewropej tal-manifattura u tas-servizzi”, ĠU 2009, C 318.

(3)  Ara “Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa” (COM(2007) 860 final).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, ĠU 2011, C 44.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)”, ĠU 2011, C 51.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi, ĠU 2011, C 318.

(7)  Prattiki tajbin: The Restructuring Toolbox http://www.evta.net/restructuringtoolbox/toolbox/index.html Il-Proġett “Going Local to Respond to Employment Challenges” http://www.evta.net/going_local/catalogue/index.html: Għanijiet: twettiq ta’ azzjonijiet reġjonali, azzjonijiet li jiżguraw politiki u servizzi li jantiċipaw kriżijiet fil-kumpaniji, it-twaqqif ta’ komunità ta’ atturi u prattiki mmirati lejn l-istabbiliment ta’ valutazzjoni komparattivi permanenti fl-istituzzjonijiet tat-taħriġ involuti f’dan il-proġett.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar il-fattibiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà”

COM(2011) 818 final

2012/C 299/12

Relatur: is-Sur DANTIN

Nhar it-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-fattibiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà

COM(2011) 818 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, 33 vot kontra u 25 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Biex tissolva l-kriżi attwali, tiġi evitata reċessjoni prolongata u jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu r-rilanċ tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-impjiegi, hemm bżonn li l-Ewropa tkun aktar preżenti u mhux inqas. Dan jirrikjedi rieda qawwija mill-Kummissjoni Ewropea biex toħloq rikonoxximent tal- metodu Komunitarju u timplimentah. F'dan ir-rigward, il-Green Paper hija apprezzata.

1.2   Iżda aktar minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżerċita bi sħiħ id-dritt ta’ inizjattiva tagħha fuq il-parametri kollha u tfassal proposti proporzjonati mal-iskala tal-kriżi li qed isseħħ minflok il-miżuri paljattivi intergovernattivi.

1.3   Ewropa aktar preżenti, Ewropa ġdida, trid torbot is-solidarjetà, ir-responsabbiltà u l-fiduċja reċiproka flimkien. Din tal-aħħar issib is-sustanza tagħha f'governanza ekonomika simetrika u bbilanċjata ta’ armonizzazzjoni baġitarja u fiskali effiċjenti u indispensabbli Ewropa aktar preżenti biex tiggarantixxi r-responsabbiltà baġitarja u l-integrazzjoni, Ewropa aktar preżenti biex jinqasmu r-riskji marbutin mad-dejn sovran, tiġi restitwita l-likwidità fuq perjodu twil, jiġu faċilitati u mitmuma r-riformi strutturali u mobilizzati l-investimenti favur it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-UE sabiex tinħoloq Ewropa soċjali u jinħloq il-ġid għal kulħadd.

1.4   Għaldaqstant, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-Bonds ta’ Stabbiltà. Il-kontenut tagħha jsegwi l-loġika ta’ Unjoni Ewropea dejjem aktar integrata u mogħnija b'suq uniku u b'suq Ewropew tal-kapital, u jifforma l-kumplement li kien hemm bżonn għall-politika monetarja komuni fiż-żona tal-euro. Mill-banda l-oħra l-Eurobonds jistgħu jqajmu l-fiduċja ta’ investituri potenzjali u b'hekk jistabbilizzaw id-domanda għall-bonds tal-gvern u jbaxxu r-rati tal-imgħax.

1.5   Madankollu, il-KESE jaħseb li r-riskju ta’ periklu morali u l-manifestazzjoni konkreta tiegħu kif deskritti fil-Green Paper huma dibattibbli u għandhom l-ewwel nett jiġu studjati fil-fond qabel ma jinsiltu konklużjonijiet kontestabbli. Fil-fatt, kieku l-argument ippreżentat fil-Green Paper kien korrett, jiġifieri li t-tnaqqis tad-dixxiplina tas-suq minħabba f'rata ta’ imgħax unika twassal għal żjieda irresponsabbli tal-ispejjeż pubbliċi jew għal żjieda fid-defiċits baġitarji, dan l-iżvilupp kien jiġi notat mad-dħul tal-euro. Iżda dan ma kienx il-każ.

1.6   Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-Bonds ta’ Stabbiltà jrid ikollhom kwalità għolja ta’ kreditu biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-investituri u l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Sadanittant, minħabba miżuri politiċi eżitanti u tardivi, illum l-inċertezza tant hi kbira li anke l-Eurobonds b'garanziji in solidum ma jkollhomx l-istess akkoljenza għada li kien ikollhom xi xhur ilu.

1.6.1   Għaldaqstant, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li l-BĊE jkollu rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kriżi, pereżempju billi tinħareġ liċenzja bankarja lill-EFSF u lill-MSE.

1.7   Rigward l-“għażliet għall-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà”, il-Kumitat iqis li l-għażla nru 2 li tikkonsisti f'“sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b'garanziji in solidum” hija l-aktar waħda fattibbli u b'mod ġenerali l-aktar waħda aċċettabbli.

1.8   Kif innota l-President tal-Kunsill Ewropew, huwa ċar li l-ħruġ tal-bonds ta’ stabbiltà jrid isir f'qafas b'saħħtu għad-dixxiplina baġitarja u l-kompetittività biex jiġi evitat ir-riskju morali u jitrawmu r-responsabbiltà u l-konformità. Il-progress lejn il-ħruġ ta’ dejn komuni għandu jkun ibbażat fuq kriterji u maqsum f'fażijiet, fejn il-progress fit-teħid flimkien ta’ deċiżjonijiet dwar il-baġits ikun akkumpanjat minn passi proporzjonali lejn il-kondiviżjoni tar-riskji (1). Il-Kumitat jaqbel li l-elementi bażiċi ta’ dan il-proċess jinkludu oqsfa finanzjarji, baġitarji u ta’ politika ekonomika integrata. Huma jridu jiġu akkumpanjati minn qafas koerenti li jgawdi mil-leġittimità demokratika u r-responsabbiltà fil-livell Ewropew, mingħajr ma tiżdied l-awsterità. F'dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li r-riskju eventwali ta’ riskju morali jiġi analizzat b'mod approfondit mill-Kummissjoni biex b'hekk jinstabu s-soluzzjonijiet adatti f'din l-istruttura.

2.   Introduzzjoni

2.1   Din il-Green Paper għandha l-għan li tniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar it-tema tal-Bonds ta’ Stabbiltà  (2) mal-partijiet kollha interessati. Din il-konsultazzjoni ser isservi ta’ bażi għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika f'dan il-qasam.

2.2   Fil-fatt, id-deterjorament tal-kriżi tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro qajjem dibattitu kbir dwar jekk jistgħux jinħarġu bonds komuni. Spiss ġiet promossa l-idea li dan seta' jkun strument effettiv biex jirrispondi għan-nuqqas ta’ likwidità f'diversi Stati Membri taż-żona tal-euro. F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-fattibbiltà tal-ħruġ ta’ bonds komuni fil-qafas tal-adozzjoni ta’ pakkett leġislattiv dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro, filwaqt li enfasizza li l-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà komuni jirrikjedi wkoll li jsir progress lejn politika ekonomika u baġitarja komuni (3).

2.3   Min-naħa tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'diversi Opinjonijiet tiegħu kemm il-darba ddiskuta dan is-suġġett u esprima l-pożizzjoni tiegħu, partikolarment fl-Opinjoni dwar “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi” (4)

2.4   Il-KESE jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ din il-Green Paper, id-dibattitu pubbliku li ser tqajjem u l-proċess magħżul li ser iwassal biex il-Kummissjoni tfassal il-proposti tagħha. Fl-aħħar, il-Kummissjoni qed terġa' tqajjem il-metodu Komunitarju f'dan il-qasam.

3.   Il-kontenut tal-Green Paper

3.1   Wara deskrizzjoni tal-kuntest tal-Green Paper, id-dokument jeżamina u jispjega diversi aspetti li jiffurmaw il-bażi tal-proposti u jiġġustifikawhom.

3.1.1   Il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Green Paper

3.1.1.1   Il-perspettiva tal-Bonds ta’ Stabbiltà tista' ttaffi l-kriżi attwali tad-dejn sovran, peress li l-Istati Membri b'rendiment għoli jistgħu jgawdu mis-solvenza għolja tal-Istati Membri b'rendiment baxx. Madankollu, biex dan l-effett itul, il-pjan direzzjonali tal-bonds komuni jrid ikun akkumpanjat minn impenji paralleli li jsaħħu l-governanza ekonomika u jippermettu li l-implimentazzjoni tal-aġġustamenti baġitarji u strutturali meħtieġa tkun garantita biex il-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi tkun assigurata u b'hekk jiġi evitat il-periklu morali.

3.1.1.2   Il-Bonds ta’ Stabbiltà jippermettu lis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tirreżisti aħjar il-ħasdiet negattivi fil-futur u b'hekk tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Il-Bonds ta’ Stabbiltà jippermettu lill-Istati Membri kollha parteċipanti li jkollhom sors aktar sigur ta’ rifinanzjament u li jevitaw li f'daqqa waħda jitilfu l-aċċess għas-suq. B'mod parallel, is-sistema bankarja tgawdi mid-disponibbiltà tal-Bonds ta’ Stabbiltà.

3.1.1.3   Il-Bonds ta’ Stabbiltà jippermettu li l-effetti tal-politika monetarja taż-żona tal-euro jinħassu aktar malajr. Fl-istess waqt, huma jippermettu li tiġi promossa l-effikaċja tas-suq tal-bonds sovrani, kif ukoll is-sistema finanzjarja globali taż-żona tal-euro. Huma jippermettu wkoll li l-investimenti fil-portafoll tal-euro jiġu ffaċilitati u li tiġi promossa sistema finanzjarja dinjija aktar ibbilanċjata.

3.1.2   Kundizzjonijiet preliminari

Wara li ġie notat li l-Bonds ta’ Stabbiltà joffru vantaġġi sostanzjali f'termini ta’ stabbiltà finanzjarja u ta’ effikaċja ekonomika, il-Green Paper tidentifika l-iżvantaġġi potenzjali.

3.1.2.1   Il-proposta tal-Kummissjoni ssemmi dawn it-tipi ta’ perikli morali:

ċerti tipi ta’ Bonds ta’ Stabbiltà jnaqqsu, u saħansitra jħassru għal kollox l-obbligu ta’ dixxipplina baġitarja, peress li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jaqsmu flimkien ir-riskju kollu jew parzjali tal-kreditu tad-dejn pubbliku tagħhom. Minħabba f'hekk jiżviluppa riskju ta’ periklu morali minħabba li r-riskju tal-kreditu li jirriżulta min-nuqqas ta’ dixxiplina baġitarja fil-livell individwali jinqasam bejn il-parteċipanti kollha;

peress li l-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà jista' jnaqqas id-dixxipplina tas-suq, hemm bżonn ta’ bidliet profondi fil-qafas tal-governanza ekonomika taż-żona tal-euro li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet fuq is-sovranità baġitarja;

il-Bonds ta’ Stabbiltà jrid ikollhom kwalità għolja ta’ kreditu sabiex jaċċettawhom l-investituri;

kwalità għolja ta’ kreditu hija importanti wkoll biex tiżgura li l-Bonds ta’ Stabbiltà jintlaqgħu fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro;

ir-rati ta’ kreditu tal-Bonds ta’ Stabbiltà jiddependu primarjament mill-kwalità ta’ kreditu tal-Istati Membri parteċipanti u l-istruttura ta’ garanzija li għandhom bħala bażi.

3.1.2.2   Il-koerenza mat-Trattat tal-UE tkun indispensabbli biex il-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà jkun suċċess. Fil-fatt, ċerti għażliet jistgħu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE u jistgħu jirrikjedu tibdil fit-trattati, speċifikament l-Artikolu 125, li jipprojbixxi l-Istati Membri milli jassumu l-obbligazzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor. B'hekk, il-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà taħt garanziji in solidum iwassal a priori għal sitwazzjoni fejn il-projbizzjoni tas-salvataġġ tkun inkisret. Għall-kuntrarju, il-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà taħt garanziji proporzjonali iżda mhux in solidum ikun possibbli fi ħdan id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat.

3.2   Possibbiltajiet għall-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà

3.2.1   Fost id-diversi proposti mfassla fil-qafas tad-dibattitu pubbliku dwar il-Bonds ta’ Stabbiltà, din il-“Green Paper” tipproponi tlieta, skont kemm jiġi sostitwit il-ħruġ nazzjonali (sħiħ jew parzjali) u n-natura tal-garanzija sottostanti (in solidum jew proporzjonali). Dawn it-tliet approċċi wiesgħa huma:

3.2.1.1

Approċċ Nru 1: Is-sostituzzjoni sħiħa tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b'garanziji in solidum;

Dan l-approċċ jipprevedi li l-finanzjament tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro jkun kompletament kopert mill-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà u l-ħruġ nazzjonali ma jitkompliex. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Istati Membri l-kbar taż-żona tal-euro aktarx tiddomina fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-Bonds ta’ Stabbiltà, u dan jissuġġerixxi li Bonds ta’ Stabbiltà maħruġa llum jistgħu jistennew klassifikazzjoni għolja tal-kreditu. Din il-formula tkun l-aktar waħda effikaċi biex toffri l-vantaġġi marbutin mal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà iżda, fl-istess waqt, timplika l-akbar riskju ta’ periklu morali. Hija tipprevedi qafas robust ħafna għat-twettiq tad-dixxiplina baġitarja, il-kompetittività ekonomika u t-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi fil-livell nazzjonali.

3.2.1.2

Approċċ Nru 2: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali bi ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà b'garanziji in solidum

Taħt dan l-approċċ, il-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà jintrifed mill-garanziji in solidum, iżda jissostitwixxi biss porzjon limitat tal-ħruġ nazzjonali.

Il-porzjon tal-ħruġ li ma jkunx fil-Bonds ta’ Stabbiltà jibqa' taħt il-garanziji nazzjonali rispettivi. Għaldaqstant, is-suq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro jkun jikkonsisti minn żewġ partijiet distinti: il-Bonds ta’ Stabbiltà u l-bonds tal-gvern nazzjonali. Kwistjoni ewlenija f'dan l-approċċ tkun il-kriterji speċifiċi għad-determinazzjoni tal-proporzjonijiet relattivi tal-Bonds ta’ Stabbiltà u l-ħruġ nazzjonali.

3.2.1.3

L-Approċċ Nru 3: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali bi ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà b'garanziji proporzjonali iżda mhux in solidum

F'dan l-approċċ, il-Bonds ta’ Stabbiltà jerġgħu jissostitwixxu parzjalment biss il-ħruġ nazzjonali u jkunu appoġġjati minn garanziji pro-rata tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Dan l-approċċ ivarja mill-Approċċ Nru 2 peress li l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà għas-sehem rispettiv tagħhom tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà kif ukoll il-ħruġ nazzjonali tagħhom.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Huwa importanti li t-test li qed jiġi analizzat jitqies fid-dawl tal-kriżi li għaddejja minnha l-Unjoni Ewropea. Din il-kriżi għandha diversi aspetti: l-aspett finanzjarju, ekonomiku, tal-bilanċi tal-ħlasijiet, tad-dejn sovran, soċjali (bi kważi 23 miljun persuna qiegħda) u ekoloġiku fl-istess waqt, u tmiss l-integrazzjoni Ewropea fil-bażi tagħha. B'mod partikolari l-kriżi ġibdet l-attenzjoni għal ċerti limitazzjonijiet fl-ideat li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Hemm bżonn ta’ wisq aktar minn bank ċentrali komuni u Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex il-munita unika tkun tista' tevita l-kriżijiet kemm fid-differenzi fil-kompetittività, kif ukoll fl-l-iżbilanċi makroekonomiċi, l-iskwilibriju fil-bilanċi tal-ħlasijiet u l-firxa (“spreads”) ogħla għar-rati tal-imgħax tal-bonds tal-gvern.

4.2   Biex tissolva din il-kriżi, tiġi evitata reċessjoni fit-tul u jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu t-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-impjiegi, hemm bżonn Ewropa aktar preżenti u Ewropa aqwa u mhux Ewropa inqas preżenti. Ewropa aktar preżenti biex tiggarantixxi r-responsabbiltà baġitarja u l-integrazzjoni, Ewropa aktar preżenti biex jinqasmu r-riskji marbutin mad-dejn sovran, tiġi restitwita l-likwidità għal żmien twil, jiġu faċilitati u kompluti r-riformi strutturali u mobilizzati l-investimenti favur it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-UE sabiex tinħoloq Ewropa soċjali u jinħoloq il-ġid għal kulħadd. Ewropa aqwa li tista' tilħaq dawn l-objettivi fuq bażi sostenibbli u jkollha mekkaniżmi effettivi biex tevita l-periklu morali.

4.2.1   Dan kollu jirrikjedi rieda qawwija mill-Kummissjoni Ewropea biex toħloq rikonoxximent tal-metodu Komunitarju u timplimentah. F'dan ir-rigward, il-Green Paper hija apprezzata. Iżda aktar minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħaddem b'mod sħiħ id-dritt tal-inizjattiva tagħha fuq il-parametri kollha u tfassal proposti proporzjonati għall-iskala tal-kriżi li qed isseħħ li jieħdu post il-miżuri paljattivi intergovernattivi li, minkejja l-għadd tagħhom, fil-biċċa l-kbira wrew li ma kinux biżżejjed, li kienu ineffikaċi u li kellhom proċeduri ta’ implimentazzjoni twal u inċerti (5).

4.2.2   Ewropa aktar preżenti, Ewropa ġdida, teħtieġ li b'mod fundamentali jinġiebu flimkien ir-riżorsi u tinqasam ir-responsabbiltà. Dan il-kunċett li jorbot flimkien is-solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża jrid jingħaqad b'element li jikkaratterizza l-għaqda, speċi ta’ pont bejn iż-żewġ termini tal-kunċett, li huwa l-fiduċja. Din tal-aħħar issib is-sustanza tagħha f'governanza ekonomika simetrika u bbilanċjata ta’ armonizzazzjoni baġitarja u fiskali effiċjenti u meħtieġa.

4.2.2.1   Dan il-proċess huwa preferibbli minn sitwazzjoni li fiha l-gvernijiet tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jibqgħu jirreżistu waħedhom għall-pressjonijiet tas-swieq, tal-kredituri tagħhom u tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni privati. Hemm bżonn ta’ pass kbir 'il quddiem fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea, mhux biss biex jinħolqu strumenti ta’ kreditu u mudell ta’ tkabbir kredibbli għall-investituri, iżda wkoll – punt essenzjali – biex tissaħħaħ il-governanza demokratika.

4.2.2.2   Għaldaqstant, l-UE għandha ssaħħaħ il-governanza ekonomika tagħha biex tiggarantixxi d-dixxiplina baġitarja fl-Istati Membri kollha, partikolarment fiż-żona tal-euro. Is-sitt proposti leġislattivi ta’ riforma (is-six pack), li magħhom jiżdiedu l-proposti l-ġodda ta’ regolamentazzjoni u s-semestru Ewropew, li l-għan tiegħu huwa l-koordinazzjoni aħjar tal-politiki baġitarji u ta’ tisħiħ tas-sorveljanza tal-UE, għandhom jiġu implimentati b'mod korrett anke jekk mhumiex biżżejjed biex noħorġu mill-kriżi (6). F'termini ta’ politika prattika, dan il-proċess għadu fil-bidu tiegħu u jrid jiġi monitorjat bir-reqqa. Wieħed jista' jasal għal konklużjonijiet dwar is-suċċess ta’ dawn ir-riformi biss abbażi ta’ riżultati tanġibbli fit-tneħħija tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Barra minn hekk, għandha tingħata l-istess importanza lin-nuqqas ta’ bilanċ makroekonomiku li huwa fil-bażi tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċerti Stati Membri.

4.3   Għaldaqstant, il-Kumitat huwa sodisfatt bil-Green Paper dwar il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, iż-żieda ta’ regoli stretti fil-qasam tal-governanza ekonomika u l-garanziji komuni fiż-żona kollha tal-euro, bil-għan li jinqasmu r-riskji marbutin mad-dejn sovran, jikkontribwixxu biex noħorġu mid-dikotomija bejn l-awsterità u t-tkabbir. Din tal-aħħar inevitabbilment ser twassal lill-UE għal reċessjoni profonda.

4.4   Il-progress li jsir f'dan il-qasam jista' jwassal ukoll biex il-BĊE jelimina l-programm tiegħu ta’ xiri ta’ bonds tal-gvernijiet minn swieq sekondarji (SMP) li bħalissa huwa meħtieġ biex jippermetti lill-Istati Membri li jiffinanzjaw mill-ġdid id-dejn pubbliku tagħhom. Minflok din il-politika, il-BĊE jkun jista' jiddeċiedi li jappoġġja l-Bonds il-ġodda ta’ Stabbiltà u b'hekk joffri garanziji supplimentari lill-partijiet interessati tas-suq, fil-fażi ta’ tranżizzjoni (7).

4.5   Għal dan il-għan, tista' tinħareġ liċenzja bankarja lill-EFSF jew lill-MES, li jkollha bħala konsegwenza t-tmiem tal-amalgamazzjoni tal-problemi tal-politika monetarja u dawk baġitarji fi ħdan il-Bank Ċentrali Ewropew u l-garanzija tal-indipendenza tiegħu.

5.   Kummenti partikolari

5.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Bonds ta’ Stabbiltà. Minn naħa l-introduzzjoni ta’ bonds tal-Unioni fiż-żona tal-euro (dawk li qed jissejħu l-“Eurobonds” (8) u li l-Green Paper issejjaħ “Bonds ta’ Stabbiltà”) issegwi l-loġika ta’ Unjoni Ewropea dejjem aktar integrata u mogħnija b'suq uniku kif ukoll b'suq Ewropew tal-kapitali, u tifforma addizzjoni meħtieġa tal-politika monetarja komuni fiż-żona tal-euro. L-Eurobonds ifixklu l-ispekulazzjoni u jiffavorixxu l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-effikaċja tal-politika monetarja.

5.2   Mill-banda l-oħra dawn l-Eurobonds jistgħu jiksbu l-fiduċja ta’ investituri potenzjali fi żmien qasir billi jistabbilixxu r-responsabbiltà komuni u b'hekk jistabbilizzaw id-domanda għall-bonds tal-gvern u jbaxxu r-rati tal-imgħax għall-pajjiżi li għandhom problemi finanzjarji gravi. Għaldaqstant, il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni fl-aħħar qed tniedi – anke jekk dan qed isir tard – id-dibattitu dwar l-Eurobonds u tippreżenta wkoll b'mod korrett il-vantaġġi tal-Eurobonds fil-Green Paper.

5.3   Kundizzjonijiet preliminari fil-qasam tad-dixxipplina baġitarja

5.3.1   Il-Green Paper – l-istess bħad-dibattitu ġenerali dwar ir-rispons għall-kriżi attwali – tenfasizza diversi drabi l-ħtieġa li jiġu miġġielda l-effetti ħżiena tal-periklu morali, u tosserva li s-swieq jistgħu jiddixxipplinaw il-politika baġitarja tal-Istati Membri. Hija tiddeplora l-fatt li wara d-dħul tal-euro, l-Istati Membri kollha ma daħħlux l-istess “dixxiplina tas-suq tal-politika baġitarja”, u tibża' li l-introduzzjoni tar-responsabbiltà konġunta għall-Bonds ta’ Stabbiltà ma jkollha l-ebda effett fuq id-dixxipplina eżerċitata mis-swieq. Madankollu, anke ċerti Stati li kienu rrispettaw il-limiti baġitarji tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir issa għandhom dejn kbir minħabba fl-iżbilanċi marbutin mad-dejn fis-settur privat; dawn għandhom jiġu ssorveljati wkoll.

5.3.2   B'mod ġenerali, il-biża' hi li r-responsabbiltà konġunta u bħala konsegwenza l-impossibblità ta’ “kastig” fil-forma ta'rati ta’ imgħax għoljin mis-swieq twassal għal ġestjoni baġitarja irresponsabbli mill-gvernijiet, jiġifieri defiċits baġitarji kbar. Il-gvernijiet iżidu n-nefqa' pubblika b'mod irresponsabbli jekk ma jkollhomx il-pressjoni tar-rati tal-imgħax mis-swieq li jogħlew. Madankollu, il-KESE jaħseb li r-riskju ta’ periklu morali u l-manifestazzjoni konkreta tiegħu kif deskritti fil-Green Paper huma dibattibbli u għandhom l-ewwel nett jiġu studjati fil-fond qabel ma jinsiltu konklużjonijiet kontestabbli.

5.3.3   Analiżi preċiża tal-problema tal-periklu morali tippermetti wkoll li jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa biex din tissolva. Id-dubji fil-fiduċja fid-“dixxipplina tas-suq” u d-daqs tal-problema tal-periklu morali huwa ġustifikat fuq diversi livelli:

5.3.3.1   Il-Green Paper tipproponi li l-iżvilupp tal-baġits pubbliċi jinfluwenzaw il-livell ta’ rendiment tal-bonds tal-gvern u tinnota li “Il-grad għoli ta’ konverġenza fir-rendimenti tal-bonds fiż-żona tal-euro matul l-ewwel deċennju tal-euro ma kienx, retrospettivament, ġustifikat mill-prestazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.” B'hekk, għalkemm ma kienx jidher li kien hemm konverġenza fil-politiki baġitarji, wieħed seta' josserva konverġenza qawwija fir-rendiment tal-bonds u b'hekk fir-rati tal-imgħax għall-bonds tal-gvern. Il-bonds tal-gvern Griegi, Spanjoli, Taljani, Irlandiżi u Finlandiżi huma fost dawk li raw l-akbar tnaqqis fir-rendiment wara d-dħul fl-euro. B'hekk, jekk ir-rendiment tal-bonds tal-gvern Finlandiżi fuq għaxar snin baqgħu madwar 8,8 % fl-1995, dan tbaxxa għal 3,4 % fl-2005, jiġifieri l-livell tal-bonds tal-gvern Ġermaniżi.

5.3.3.2   Dan jiġi spjegat bil-fatt li bil-ħolqien taż-żona tal-euro, l-investituri kienu tal-fehma li l-bonds tal-gvern fiż-żona tal-euro kienu kollha relattivament sikuri. B'hekk, bejn iż-żmien meta nħolqot iż-żona tal-euro fl-1999 u l-kriżi tal-“Lehman Brothers” fl-2008 diġà kien hemm sitwazzjoni simili għal dik li wieħed jista' jistenna bil-ħruġ tal-Eurobonds. Is-swieq ma kinux imponew dixxipplina fuq il-politika baġitarja tul is-snin li segwew il-ħolqien taż-żona tal-euro.

5.3.3.3   Kieku l-argument ippreżentat fil-Green Paper kien korrett, jiġifieri li t-tnaqqis tad-dixxiplina tas-suq marbuta ma’ rata unika tal-imgħax twassal għal żjieda irresponsabbli fl-ispejjeż pubbliċi jew għal żjieda fid-defiċits baġitarji, dan l-iżvilupp kien jiġi notat mad-dħul tal-euro.

5.3.3.4   Madankollu, dan ma kienx il-każ: f'dak li jirrigwarda l-Finlandja, in-nefqa pubblika tbaxxiet bi ftit meta mqabbla mal-Prodott Domestiku Gross (PDG) wara d-dħul tal-euro, u baqgħet dejjem taħt ir-rata tad-dħul pubbliku. Fi Spanja, il-bilanċ bejn in-nefqa pubblika (mingħajr il-ħlas ta’ imgħax) u l-PDG baqa' kostanti, filwaqt li r-rata tad-dħul għoliet ukoll. Fl-Italja, ir-rata ta’ nfiq pubbliku tbaxxiet b'mod globali, bi tnaqqis baxx fl-ammont ta’ imgħax mħallsa. Madankollu, kien hemm tnaqqis fir-rata tad-dħul tal-gvern. Fil-Greċja wkoll, in-nefqa pubblika meta mqabbla mal-PDG baqgħet globalment stabbli wara li l-pajjiż daħal fiż-żona tal-euro u l-konverġenza tar-rati tal-imgħax tal-bonds, wieħed seta' jinnota tnaqqis ċar fil-parti tan-nefqa ddedikata lill-ħlas tal-imgħax. Fl-istess ħin, it-tnaqqis fid-dħul pubbliku – bħala proporzjon tal-PDG – kien ferm akbar fil-Greċja milli fl-Italja.

5.3.3.5   Jidher ċar li n-nuqqas ta’ “dixxipplina tas-suq” u l-preżenza ta’ konverġenza qawwija fir-rati tal-imgħax tal-bonds ma wasslux għall-periklu morali minħabba s-sigurtà totali li ħassew l-investituri. Għall-kuntrarju, ma ġiet innotata l-ebda żjieda fl-ispejjeż pubbliċi bħala proporzjon tal-PDG. Madankollu, jista' jitressaq l-argument li f'diversi postijiet ir-rati baxxi tal-imgħax u l-konverġenzi bejniethom inkoraġġew tnaqqis fid-dħul fiskali – ġie nnotat tnaqqis fir-rata tad-dħul f'tal-anqas tnejn mill-każijiet imsemmija.

5.3.4   Dan l-aħħar punt jindika li l-ġlieda kontra l-periklu morali għandha tiffoka b'mod preċiż fuq id-dħul. Koordinazzjoni akbar tal-politika fiskali tista' tevita d-dumping fiskali. Fil-futur wieħed jista' jikkastiga f'xi każijiet it-tnaqqis tat-taxxa, fil-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-governanza msaħħa tal-UE. Dan ikun jiggarantixxi s-simetrija fil-miżuri ta’ governanza ekonomika, diġà mitluba mill-KESE f'opinjonijiet preċedenti (9)

5.3.5   Barra minn hekk ma tantx hu probabbli li l-investituri jkunu fil-fatt interessati l-aktar fis-saħħa tal-politika baġitarja tal-Istati li jkunu ser isellfuhom il-flus. Id-daqs tad-defiċit baġitarju u tad-dejn pubbliku fil-fatt mhumiex pertinenti daqs kemm tassumi l-Green Paper għal-livell tar-rati tal-imgħax fis-swieq. Il-prova hija preċiżament l-Ispanja, “student mudell” fil-qasam tal-politika baġitarja, li bħalissa għandha problemi ta’ rifinanzjament, filwaqt li pajjiżi b'rati għoljin ta’ dejn bħar-Renju Unit isibu finanzi b'rati li qatt ma kienu daqshekk baxxi.

5.3.6   Għaldaqstant, il-KESE jqis li fid-dawl tal-passi li ser isegwu l-Green Paper, il-Kummissjoni trid tirrevedi b'urġenza l-argumenti tagħha dwar il-periklu morali u d-dixxipplina tas-swieq. Dawn jistgħu jwasslu malajr għal konklużjonijiet żbaljati li l-konsegwenzi ekonomiċi tagħhom ikunu katastrofiċi: jekk il-ġlieda kontra l-problema presunta ta’ periklu morali toħloq, pereżempju, regoli aktar stretti fil-qasam tad-dejn fil-patt ta’ stabbiltà u ta’ tkabbir jew għat-tneħħija tad-dejn awtomatiku, wieħed jista' jistenna pressjoni kontroproduttiva (u ineffikaċi skont il-Kummissjoni) fuq in-nefqa pubblika. Biex nindunaw kemm it-tnaqqis drastiku fin-nefqa tal-Istat – għall-kuntrarju tas-suppożizzjonijiet u r-rieda tal-Kummissjoni – ikollu effett negattiv fuq il-kunfidenza tax-xerrejja potenzjali tal-bonds, huwa biżżejjed li nħarsu lejn dak li qed jiġri fil-pajjiżi fi kriżi, fejn il-politika ta’ awsterità żiedet l-inċertezza u kompliet għolliet ir-rati tal-imgħax.

5.3.7   Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-argument li “s-swieq” bilfors iridu jimponu dixxipplina lill-gvernijiet li huma eletti demokratikament huwa wkoll dibattibbli fil-bażi tiegħu. F'dan ix-xenarju, is-“swieq” huma fl-aħħar mill-aħħar sinonimi ma’ “dawk li għandhom il-kapital” li jaġixxu ta’ kredituri tal-gvernijiet. Mhux ċar għaliex għandna nkunu sodisfatti li numru relattivament żgħir ta’ nies li għandhom il-kapital għandhom ikollhom influwenza akbar fuq il-baġit pubbliku mill-Parlament elett mill-popolazzjoni.

5.4   Kundizzjonijiet biex l-assi jkunu aċċettati bħala siguri ħafna mis-suq

5.4.1   Il-Kumitat jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-Bonds ta’ Stabbiltà jrid ikollhom kwalità għolja tal-kreditu biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-investituri u l-Istati Membri taż-żona tal-euro li diġà jgawdu mill-ogħla klassifikazzjoni tal-kreditu. Ikun importanti wkoll li jkun hemm kwalità għolja ta’ kreditu biex jiġu stabbiliti l-Bonds ta’ Stabbiltà bħala titolu ta’ referenza fil-livell internazzjonali u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp u t-tħaddim tajjeb tas-swieq tal-futures u tal-għażliet marbutin magħhom, li huma indispensabbli għall-provvista tal-likwidità tas-swieq tal-bonds.

5.4.2   Il-KESE huwa konvint li l-Eurobonds b'responsabbiltà in solidum globali jkunu attraenti ħafna għall-kredituri potenzjali li jkunu qed ifittxu investiment sikur. Il-volum u l-likwidità ta’ suq tal-bonds in solidum probabbilment jattira wkoll lill-investituri l-ġodda 'l barra mill-Ewropa. Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-iżbilanċi makroekonomiċi dinjija jitolbu li jsir minn kollox biex il-volumi kbar ta’ likwidità li ġejjin mill-pajjiżi emerġenti jitmexxew lejn investimenti finanzjarji stabbli li jistgħu jkunu l-Eurobonds. B'hekk, dawn tal-aħħar jiffurmaw element kbir ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

5.4.3   Sadanittant, l-insigurtà fis-swieq tal-bonds Ewropej żdiedet ferm minħabba fil-miżuri eżitanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u, d-deċiżjonijiet politiċi ħżiena fl-assenza ta’ rieda li tiġi solvuta l-kriżi fit-totalità tagħha. Għaldaqstant, illum l-inċertezza tant hi kbira li anke għall-Eurobonds b'garanziji in solidum (Għażla 1, ara l-punt 3.2.1.1 hawn fuq) probabbilment ma jkunx hemm l-istess domanda li kien ikun hemm xi xhur ilu. Il-kapaċità tal-Bonds ta’ Stabbiltà li jsolvu l-kriżi tista' tbati wkoll u huma jistgħu ma jilħqux l-għan inizjali, dak ta’ stabbilizzazzjoni.

5.4.4   Għaldaqstant, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li l-Bank Ċentarli Ewropew ikollu rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kriżi, pereżempju billi tinħareġ liċenzja bankarja lill-EFSF jew lill-MSE li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2012. B'differenza tar-Riżerva Federali, il-Bank tal-Ġappun u l-Bank tal-Ingilterra, il-BĊE mhuwiex sellief tal-aħħar istanza għall-Istati Membri. Dan jispjega b'mod ġenerali d-differenza bejn ir-rati ta’ imgħax taż-żona tal-euro u ekonomiji b'iżjed dejn u jikkontribwixxi ferm għall-ħolqien tal-impressjoni li l-kriżi m'hi ser tispiċċa qatt.

5.4.5   Għall-kuntrarju hija illużjoni li nemmnu li l-aċċettazzjoni mis-suq u għalhekk rati baxxi ta’ imgħax għall-Eurobonds jiddependu minn politika ta’ awsterità u ta’ konsolidazzjoni baġitarja kemm jista' jkun riġida. F'diversi opinjonijiet, il-KESE ddenunċja b'mod espliċitu l-konsegwenzi ħżiena ta’ din il-politika għall-ekonomija u enfasizza li l-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi qabel kollox tirrikjedi tkabbir fl-ekonomija (10).

5.5   Għażliet għall-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà

5.5.1   Approċċ Nru 1: Is-sostituzzjoni sħiħa tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b'garanziji in solidum

Il-KESE huwa tal-fehma li dan huwa l-aktar approċċ għaqli fit-tul u l-aktar wieħed konformi mal-għan tal-Unjoni Ewropea bħala unjoni ekonomika u soċjali. Fl-istess waqt dan jista' jirriżulta l-aktar approċċ effikaċi fi żmien qasir biex jiġu ffaċċjati l-problemi ta’ finanzjament u biex b'hekk tispiċċa l-kriżi. Madankollu, dan l-approċċ huwa dak li jirrikjedi l-aktar integrazzjoni Ewropea profonda. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tiegħu tqajjem l-aktar problemi ta’ natura politika, u minħabba f'hekk is-sostituzzjoni kompleta tal-ħruġ tal-bonds nazzjonali bil-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà b'garanziji in solidum tidher l-inqas waħda probabbli fil-futur qrib.

5.5.2   Approċċ Nru 2: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b'garanziji in solidum

5.5.2.1   Dan l-approċċ huwa l-aktar wieħed fattibbli u l-aktar wieħed aċċettabbli peress li jikkorrespondi fl-essenzjal għal dak ta’ qablu, ħlief li l-Istati jibqgħu jżommu ċerta awtonomija ta’ azzjoni fir-rigward tas-swieq finanzjarji. B'hekk, l-Istati jkollhom kundizzjonijiet tas-suq u ta’ finanzjament differenti għal kull wieħed minnhom li jistgħu jirriflettu d-differenzi bejn il-klassifikazzjoni ta’ kreditu individwali. Fi kwalunkwe każ, dan l-approċċ jista' jirriżulta effikaċi ferm, jekk wieħed iqis l-effetti immedjati u dawk fuq perjodu medju. Barra minn hekk, huwa jippermetti li jneħħi ħafna mis-saħħa tal-argumenti bbażati fuq ir-riskju allegat ta’ periklu morali. B'hekk huwa wieħed miż-żewġ għażliet li l-KESE japprova formalment.

5.5.2.2   Madankollu, qabel ma jinħarġu l-Bonds ta’ Stabbiltà jibqa' indispensabbli li l-proċeduri u l-limiti jiġu deċiżi b'mod li tiġi riżolta verament il-problema sensittiva tal-Istati li jkollhom diffikultajiet ta’ finanzjament. Għaldaqstant, il-KESE jqis li huwa importanti li l-bonds nazzjonali attwali ma jiġux ikkonvertiti immedjatament f'Bonds ta’ Stabbiltà (kif inhu indikat fil-Green Paper f'paġna 17), peress li l-limitu stabbilit għall-ħruġ ta’ dawn tal-aħħar (bonds blu) jintlaħaq malajr u b'hekk ikun hemm bżonn li immedjatament jinħarġu bonds nazzjonali (bonds ħomor) għall-iskop ta’ rifinanzjament. (11)

5.5.3   Approċċ Nru 3: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b'garanziji proporzjonali iżda mhux insolidum

5.5.3.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li dan l-approċċ għandu l-aktar ambitu ta’ applikazzjoni ristrett mit-tlieta, peress li jkopri biss parzjalment il-ħtieġa ta’ finanzjament mill-Istati Membri (bħal fil-każ tal-Approċċ 2) u jipprevedi biss garanziji proporzjonali. Għaldaqstant, dan l-approċċ ikollu biss effetti limitati fuq l-istabbiltà u l-integrazzjoni. Jista' jiġi implimentat relattivament malajr, peress li jidher li huwa kompletament kompatibbli mat-Trattat tal-UE fis-seħħ.

5.5.3.2   Biex dan l-istrument ta’ finanzjament jkun jista' jikseb klassifikazzjoni ta’ kreditu suffiċjenti, l-Istati Membri jkunu obbligati li jippreżentaw garanziji supplimentari. Il-Bonds ta’ Stabbiltà, taħt it-tielet approċċ ikunu simili ħafna għall-bonds li toħroġ il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), anke jekk huma għandhom ikollhom impatt u joħolqu effetti possibbli fuq l-effikaċja tas-swieq u integrazzjoni ftit aktar qawwija. Peress li dan l-approċċ ma joħloqx impatt kbir, huwa dak li jikkorrispondi l-anqas mal-perspettiva tal-KESE.

5.6   Qafas baġitarju tal-Bonds ta’ Stabbiltà

5.6.1   Il-KESE jtenni l-konvinzjoni tiegħu li t-tisħiħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-qafas tas-“six pack”, ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-“Patt Euro Plus” u l-implimentazzjoni ġeneralizzata tar-regoli fundamentali essenzjalment mhumiex biżżejjed bħala miżuri biex noħorġu mill-kriżi u li l-konsegwenzi soċjali tagħhom jistgħu jwasslu għad-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Ewropea (12).

5.6.2   Il-miżuri supplimentari meħuda mill-Kummissjoni u l-Kunsill, flimkien mal-proposti tal-Green Paper li qed tiġi eżaminata, m'għandhomx jibbażaw it-tnaqqis tad-defiċits baġitarji u d-dejn tal-Istati biss fuq l-iffrankar fil-baġits pubbliċi (l-awsterità). Dawn tal-aħħar għandhom bħala regola ġenerali effetti negattivi fuq it-tkabbir, l-impjiegi u s-sigurtà soċjali, u jnaqqsu bla bżonn il-possibbiltà li tiġi segwita politika baġitarja antiċiklika adatta. Barra minn hekk, ma jwasslux għar-riżultati pożittivi previsti mill-Kummissjoni.

5.6.3   Madankollu, fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Monetarja, hemm bżonn li jittieħdu miżuri bil-għan li noqorbu lejn il-konverġenza tal-ekonomiji nazzjonali, jonqos l-iżbilanċ u titkompla l-politika monetarja unika. Barra minn hekk, huwa indispensabbli li tiġi koordinata politika ekonomika li ssegwi l-għanijiet it-tajbin. F'dan ir-rigward, il-viżjoni msemmija diversi drabi f'din il-Green Paper ta’ “tisħiħ tal-kompetittività”, fil-forma ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tas-salarji u fi pressjoni biex is-salarji jitbaxxew, hija unilaterali u tinjora r-rwol tad-domanda fil-livell makroekonomiku.

5.6.4   Bħala eżempju, kontrazzjoni fid-dħul fil-pajjiżi li għandhom defiċit fil-bilanċ attwali tista' twassal għal kontrazzjoni fid-domanda u tnaqqis qawwi fl-importazzjonijiet. B'dan il-mod, m'hemmx dubju li jinħoloq ekwilibriju bejn il-bilanċi kurrenti fiż-żona tal-euro, iżda l-prezz ikun li jonqsu l-produzzjoni u l-prestazzjonijiet ekonomiċi fit-totalità tagħhom, li fl-aħħar jispiċċaw biex ikunu aktar baxxi. Il-KESE jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li politika ekonomika bbilanċjata hija indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020.

5.6.5   Għaldaqstant, huwa importanti li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tingħata d-direzzjoni tat-tisħiħ tat-tkabbir u d-dħul nazzjonali. L-Istati Membri li f'dawn l-aħħar snin kellhom livell relattivament baxx ta’ investiment pubbliku u domanda domestika staġnata, għandhom jadottaw miżuri korrettivi biex jappoġġjaw id-domanda, filwaqt li l-Istati Membri li għandhom defiċits relattivament għoljin fil-bilanċi kurrenti tagħhom u fil-baġit tagħhom għandhom ifittxu li jibbilanċjaw aħjar d-dħul u l-infiq tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, id-dħul tal-Bonds ta’ Stabbiltà fi ħdan l-Unjoni Ewropea skont il-mudell tal-approċċ nru 2 jista' jappoġġja b'mod sostenibbli t-tnaqqis urġenti u kruċjali fl-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” Rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy tas-26 ta’ Ġunju 2012, Parti II, punt 2 it-tielet paragrafu (EUCO 120/12).

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/MT/ec/131301.pdf.

(2)  Id-dibattitu pubbliku u d-dokumenti s-soltu jużaw t-terminu “Eurobonds”. Il-Kummissjoni qieset li dan l-istrument jkollu l-effett ewlieni li jsaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Bħala konsegwenza, b'koerenza mad-diskors dwar l-istat tal-Unjoni li l-President tal-Kummissjoni għamel fit-28 ta’ Settembru 2011, din il-Green Paper tirreferi għal Bonds ta’ Stabbiltà.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali (2010/2242(INT)).

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “It-tkabbir u d-dejn sovran fl-UE: żewġ approċċi innovattivi”, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 10, kif ukoll l-Opinjoni “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja - l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju”, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 8.

(5)  Ara l-ġustifikazzjoni tal-aġenzija tal-ikklassifikar ‘Standard & Poor’ tat-13 ta’ Jannar 2012 li tiddegrada l-bonds tat-teżor ta’ 16-il pajjiż membru taż-żona tal-euro: "the policy initiatives that have been taken by European policymakers in recent weeks may be insufficient to fully address ongoing systemic stresses in the eurozone"“l-inizjattivi meħuda minn dawk li jiffurmaw il-politika Ewropea fil-ġimgħat reċenti jistgħu jkunu insuffiċjenti biex jindirizzaw għal kollox il-kriżijiet sistemiċi li għaddejjin fiż-żona tal-euro”.(bl-Ingliż)

http://www.standardandpoors.com/prot/ratings/articles/en/eu/?articleType=HTML&assetID=1245327399569. Standard & Poor kompla josserva: “We believe a reform process based on a pillar of fiscal austerity alone risks becoming self-defeating, as domestic demand falls in line with consumers' rising concerns about job security and disposable incomes, eroding national tax revenues.”

(6)  Ara punt 5.6.

(7)  Il-marġini ta’ manuvra tal-BĊE hija kważi bla limitu u b'hekk testendi minn dikjarazzjoni sempliċi dwar id-direzzjoni futura tal-politika monetarja tiegħu sa interventi enormi ta’ xiri ta’ dejn sovran taħt attakki spekulattivi.

(8)  F'dan id-dokument, it-terminu “Eurobonds” qed jiġi użat meta l-għan huwa ta’ unjoni politika li tikkomplimenta l-unjoni ekonomika u monetarja. Fil-każijiet l-oħra kollha, qed jintuża t-terminu maħluq mill-Kummissjoni, jiġifieri “Bonds ta’ Stabbiltà”. Fil-fatt m'hemm l-ebda differenza bejn iż-żewġ kunċetti.

(9)  Ara l-lista fl-Opinjoni tal-KESE “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26 u l-Opinjoni CESE dwar it-tema “L-impatti soċjali tal-leġislazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-governanza ekonomika”, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23.

(10)  Ara n-nota 8 hawn fuq.

(11)  Delpla, J. u von Weizsäcker, J. (2010), The Blue Bond Proposal (“Il-proposta ta’ Bonds Blu”), Breugel Policy Briefs 420, Bruegel, Brussell, 2010. L-awturi jipproponu limitu għall-ħruġ tal-bonds blu li huwa ta’ 60 % tal-PDG, li jikkorrispondi għall-kriterji previst fil-bidu mit-Trattat ta’ Maastricht fir-rigward tal-limitu tad-dejn pubbliku totali. Fost għadd jikber ta’ studji u ta’ proposti xi ftit jew wisq iddettaljati, ara l-proposti tal-Kunsill tal-Esperti Ekonomiċi tal-Gvern Ġermaniż għal patt Ewropew ta’ tifdija

(http://www.sachverstaendigenrat-wirtschaft.de/fileadmin/dateiablage/Pressemitteilungen/A_european_redemption_pact.pdf) kif ukoll Varoufakis, Y. u Holland, S. (2011) A modest proposal for overcoming the euro crisis, Levy Economics Institute of Bard College Policy Note 3/2011, http://www.levyinstitute.org/pubs/pn_11_03.pdf.

(12)  F'dan ir-rigward ara l-punti 5.3 hawn fuq.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Emenda 3 – Punt 3.2.1.2

Żid it-test kif ġej:

“3.2.1.2

Approċċ Nru 2: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali bi ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà b’garanziji in solidum.

Taħt dan l-approċċ, il-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà jintrifed mill-garanziji in solidum, iżda jissostitwixxi biss porzjon limitat tal-ħruġ nazzjonali.

Il-porzjon tal-ħruġ li ma jkunx fil-Bonds ta’ Stabbiltà jibqa’ taħt il-garanziji nazzjonali rispettivi. Għaldaqstant, is-suq tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro jkun jikkonsisti minn żewġ partijiet distinti: il-Bonds ta’ Stabbiltà u l-bonds tal-gvern nazzjonali. Kwistjoni ewlenija f’dan l-approċċ tkun il-kriterji speċifiċi għad-determinazzjoni tal-proporzjonijiet relattivi tal-Bonds ta’ Stabbiltà u l-ħruġ nazzjonali .”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

117

Voti kontra

:

46

Astensjonijiet

:

18

Emenda 4 – Punt 3.2.1.3

Żid it-test kif ġej:

“3.2.1.3.

L-Approċċ Nru 3: Is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ nazzjonali bi ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà b’garanziji proporzjonali iżda mhux in solidum

F’dan l-approċċ, il-Bonds ta’ Stabbiltà jerġgħu jissostitwixxu parzjalment biss il-ħruġ nazzjonali u jkunu appoġġjati minn garanziji pro-rata tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Dan l-approċċ ivarja mill-Approċċ Nru 2 peress li l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà għas-sehem rispettiv tagħhom tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà kif ukoll il-ħruġ nazzjonali tagħhom. ”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

127

Voti kontra

:

50

Astensjonijiet

:

6

Iż-żewġ emendi li ġejjin ġew ivvutati flimkien:

Emenda 7 – Punt 4.3

Ibdel it-test kif ġej:

“4.3.

Għaldaqstant, il-Kumitat huwa sodisfatt bil-Green Paper dwar il-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ Bonds ta’ Stabbiltà. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, iż-żieda ta’ regoli stretti fil-qasam tal-governanza ekonomika u l-garanziji komuni fiż-żona kollha tal-euro, jinqasmu r-riskji marbutin mad-dejn sovran, jikkontribwixxu biex noħorġu mid-di bejn l-awsterità u t-tkabbir. ”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Emenda 1 – Punt 1.5

Żid it-test kif ġej:

“1.5

Madankollu, il-KESE jaħseb li r-riskju ta’ periklu morali u l-manifestazzjoni konkreta tiegħu kif deskritti fil-Green Paper huma dibattibbli u għandhom l-ewwel nett jiġu studjati fil-fond qabel ma jinsiltu konklużjonijiet kontestabbli. Filfatt, kieku l-argument ippreżentat fil-Green Paper kien korrett, jiġifieri li t-tnaqqis tad-dixxiplina tas-suq minħabba f’rata ta’ imgħax unika twassal għal żjieda irresponsabbli tal-ispejjeż pubbliċi jew għal żjieda fid-defiċits baġitarji, dan l-iżvilupp kien jiġi notat mad-dħul tal-euro. Iżda dan ma kienx il-każ. ”

Raġuni

Il-Green Paper tindirizza l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu tal-hekk imsejħa bonds ta’ stabilità għal perjodu indefinit. L-għan huwa li jinqatgħu l-ispejjeż tal-ħlas lura tad-dejn (ħruġ ta’ bonds) għall-Istati Membri b’nuqqas ta’ dixxiplina baġitarja, għad-detriment tal-pajjiżi b’dixxiplina baġitarja tajba, li ser ikollhom iħallsu rendiment ogħla fuq it-tali bonds meta mqabbla mal-istrumenti ta’ dejn tagħhom stess. Il-benefiċjarji ta’ tali skema ser japprofittaw minn rendiment uniku (u mill-perspettiva tagħhom, inqas) għat-tali bonds, kif ukoll garanzija in solidum fiż-żona tal-euro kollha. Il-KE nnifisha spjegat 5 perikli morali potenzjali (parti waħda tieħu d-deċiżjoni dwar kemm għandu jittieħed riskju, filwaqt li ħadd ieħor ikollu jħallas l-ispejjeż jekk l-affarijiet ma jmorrux tajjeb) li jinħolqu minn dan it-tip ta’ ħruġ ta’ dejn.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

131

Voti kontra

:

49

Astensjonijiet

:

9

Emenda 8 – Punt 5.3.4

Ibdel it-test kif ġej:

“5.3.4.

Dan l-aħħar punt jindika li l-ġlieda kontra l-periklu morali għandha tiffoka b’mod preċiż fuq id-dħul. .  (1) Fil-futur wieħed jista’ jikkastiga f’xi każijiet it-tnaqqis tat-taxxa, fil-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-governanza msaħħa tal-UE. Dan ikun jiggarantixxi s-simetrija fil-miżuri ta’ governanza ekonomika, diġà mitluba mill-KESE f’opinjonijiet preċedenti.”

Raġuni

Il-punt 5.3.4 tal-Opinjoni ma jistax jiġi approvat lanqas. L-affermazzjoni li fil-futur tista’ tittieħed azzjoni dixxiplinarja kontra t-tnaqqis fiskali hija arbitrarja u ma tistax tkun ibbażata fuq kwalunkwe analiżi jew riċerka. It-tnaqqis fiskali potenzjali u l-impatt tiegħu mhumiex is-suġġett ta’ din l-Opinjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

124

Voti kontra

:

54

Astensjonijiet

:

9

Is-6 emendi li ġejjin ġew ivvutati flimkien:

Emenda 10 – Punt 5.4.2

Ibdel it-test kif ġej:

“5.4.2.

Il-KESE huwa konvint li l-Eurobonds jkunu attraenti ħafna għall-kredituri potenzjali li jkunu qed ifittxu investiment sikur. Il-volum u l-likwidità ta’ suq tal-bonds in solidum probabbilment jattira wkoll lill-investituri l-ġodda ’l barra mill-Ewropa. Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-iżbilanċi makroekonomiċi dinjija jitolbu li jsir minn kollox biex il-volumi kbar ta’ likwidità li ġejjin mill-pajjiżi emerġenti jitmexxew lejn investimenti finanzjarji stabbli li jistgħu jkunu l-Eurobonds. B’hekk, dawn tal-aħħar jiffurmaw element kbir ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Emenda 11 – Punt 5.5.1

Ibdel it-test kif ġej:

“5.5.1.

Approċċ Nru 1: Is-sostituzzjoni sħiħa tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b’garanziji in solidum

Madankollu, dan l-approċċ huwa dak li jirrikjedi l-aktar integrazzjoni Ewropea profonda . Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tiegħu tqajjem l-aktar problemi ta’ natura politika , u minħabba f’hekk is-sostituzzjoni kompleta tal-ħruġ tal-bonds nazzjonali bil-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà b’garanziji in solidum tidher l-inqas waħda probabbli fil-futur qrib. ”

Raġuni

L-għażla proposta fl-Opinjoni, jiġifieri li jiġi appoġġjat l-approċċ Nru 2 tad-diversi għażliet għall-ħruġ tal-bonds ta’ stabilità, li hija bbażata fuq is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ ta’ Bond ta’ Stabilita għall-ħruġ nazzjonali b’garanziji in solidum għandha tiġi rifjutata. Fil-fehma tagħna, mhuwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jkunu ħalja u, kif urietna l-esperjenza, b’xorti ħażina jitħallew iġibu ruħhom b’mod irresponsabbli bi flushom, filwaqt li oħrajn ikollhom iġorru l-ispejjeż. Fl-istess ħin ta’ min josserva li l-garanziji in solidum imorru direttament kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-ebda Stat Membru m’għandu jkun responsabbli għall-obbligi ta’ ieħor. Għall-kuntrarju, l-approċċ Nru 3 (propost għall-appoġġ mill-emenda) jimminimizza r-riskju tal-periklu morali għall-kondotta tal-politiki ekonomiċi u fiskali. B’differenza għat-tieni approċċ, dan jinvolvi garanziji tal-gvern “proporzjonali iżda mhux in solidum” u għalhekk jista’ jiġi implimentat relattivament malajr mingħajr ma jkollhom jinbidlu t-trattati tal-UE.

Emenda 12 – Punt 5.5.2.1

Ibdel it-test kif ġej:

“5.5.2.1

Dan l-approċċ jikkorrespondi fl-essenzjal għal dak ta’ qablu, ħlief li l-Istati jibqgħu jżommu ċerta awtonomija ta’ azzjoni fir-rigward tas-swieq finanzjarji. B’hekk, l-Istati jkollhom kundizzjonijiet tas-suq u ta’ finanzjament differenti għal kull wieħed minnhom li jistgħu jirriflettu d-differenzi bejn il-klassifikazzjoni ta’ kreditu individwali. ”

Raġuni

L-għażla proposta fl-Opinjoni, jiġifieri li jiġi appoġġjat l-approċċ Nru 2 tad-diversi għażliet għall-ħruġ tal-bonds ta’ stabilità, li hija bbażata fuq is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ ta’ Bond ta’ Stabilita għall-ħruġ nazzjonali b’garanziji in solidum għandha tiġi rifjutata. Fil-fehma tagħna, mhuwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jkunu ħalja u, kif urietna l-esperjenza, b’xorti ħażina jitħallew iġibu ruħhom b’mod irresponsabbli bi flushom, filwaqt li oħrajn ikollhom iġorru l-ispejjeż. Fl-istess ħin ta’ min josserva li l-garanziji in solidum imorru direttament kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-ebda Stat Membru m’għandu jkun responsabbli għall-obbligi ta’ ieħor. Għall-kuntrarju, l-approċċ Nru 3 (propost għall-appoġġ mill-emenda) jimminimizza r-riskju tal-periklu morali għall-kondotta tal-politiki ekonomiċi u fiskali. B’differenza għat-tieni approċċ, dan jinvolvi garanziji tal-gvern “proporzjonali iżda mhux in solidum” u għalhekk jista’ jiġi implimentat relattivament malajr mingħajr ma jkollhom jinbidlu t-trattati tal-UE.

Emenda 13 – Punt 5.5.3.1

Ibdel it-test kif ġej:

“5.5.3.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li dan l-approċċ għandu l-aktar ambitu ta’ applikazzjoni ristrett mit-tlieta, peress li jkopri biss parzjalment il-ħtieġa ta’ finanzjament mill-Istati Membri (bħal fil-każ tal-Approċċ 2) u jipprevedi biss garanziji proporzjonali. an l-approċċ . Jista’ jiġi implimentat relattivament malajr, peress li jidher li huwa kompletament kompatibbli mat-Trattat tal-UE fis-seħħ.”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Emenda 14 – Punt 5.6.5

Ibdel it-test kif ġej:

“5.6.5

Għaldaqstant, huwa importanti li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tingħata d-direzzjoni tat-tisħiħ tat-tkabbir u d-dħul nazzjonali. L-Istati Membri li f’dawn l-aħħar snin kellhom livell relattivament baxx ta’ investiment pubbliku u domanda domestika staġnata, għandhom jadottaw miżuri korrettivi biex jappoġġjaw id-domanda, filwaqt li l-Istati Membri li għandhom defiċits relattivament għoljin fil-bilanċi kurrenti tagħhom u fil-baġit tagħhom għandhom ifittxu li jibbilanċjaw aħjar d-dħul u l-infiq tagħhom. Fil-fehma tal-KESE, id-dħul tal-Bonds ta’ Stabbiltà fi ħdan l-Unjoni Ewropea skont il-mudell tal-approċċ nru jista’ jappoġġja b’mod sostenibbli t-tnaqqis urġenti u kruċjali fl-iżbilanċi makroekonomiċi fi ħdan l-UE.”

Raġuni

L-għażla proposta fl-Opinjoni, jiġifieri li jiġi appoġġjat l-approċċ Nru 2 tad-diversi għażliet għall-ħruġ tal-bonds ta’ stabilità, li hija bbażata fuq is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ ta’ Bond ta’ Stabilita għall-ħruġ nazzjonali b’garanziji in solidum għandha tiġi rifjutata. Fil-fehma tagħna, mhuwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jkunu ħalja u, kif urietna l-esperjenza, b’xorti ħażina jitħallew iġibu ruħhom b’mod irresponsabbli bi flushom, filwaqt li oħrajn ikollhom iġorru l-ispejjeż. Fl-istess ħin ta’ min josserva li l-garanziji in solidum imorru direttament kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-ebda Stat Membru m’għandu jkun responsabbli għall-obbligi ta’ ieħor. Għall-kuntrarju, l-approċċ Nru 3 (propost għall-appoġġ mill-emenda) jimminimizza r-riskju tal-periklu morali għall-kondotta tal-politiki ekonomiċi u fiskali. B’differenza għat-tieni approċċ, dan jinvolvi garanziji tal-gvern “proporzjonali iżda mhux in solidum” u għalhekk jista’ jiġi implimentat relattivament malajr mingħajr ma jkollhom jinbidlu t-trattati tal-UE.

Emenda 2 – Punt 1.7

Ibdel it-test kif ġej:

“1.7

Rigward l-“għażliet għall-ħruġ ta’ Bonds ta’ Stabbiltà”, il-Kumitat iqis li l-għażla nru li tikkonsisti f’“sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ tal-Bonds ta’ Stabbiltà għall-ħruġ nazzjonali, b’garanziji in solidum” hija l-aktar waħda fattibbli u b’mod ġenerali l-aktar waħda aċċettabbli.”

Raġuni

L-għażla proposta fl-Opinjoni, jiġifieri li jiġi appoġġjat l-approċċ Nru 2 tad-diversi għażliet għall-ħruġ tal-bonds ta’ stabilità, li hija bbażata fuq is-sostituzzjoni parzjali tal-ħruġ ta’ Bond ta’ Stabilita għall-ħruġ nazzjonali b’garanziji in solidum għandha tiġi rifjutata. Fil-fehma tagħna, mhuwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jkunu ħalja u, kif urietna l-esperjenza, b’xorti ħażina jitħallew iġibu ruħhom b’mod irresponsabbli bi flushom, filwaqt li oħrajn ikollhom iġorru l-ispejjeż. Fl-istess ħin ta’ min josserva li l-garanziji in solidum imorru direttament kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skontu l-ebda Stat Membru m’għandu jkun responsabbli għall-obbligi ta’ ieħor. Għall-kuntrarju, l-approċċ Nru 3 (propost għall-appoġġ mill-emenda) jimminimizza r-riskju tal-periklu morali għall-kondotta tal-politiki ekonomiċi u fiskali. B’differenza għat-tieni approċċ, dan jinvolvi garanziji tal-gvern “proporzjonali iżda mhux in solidum” u għalhekk jista’ jiġi implimentat relattivament malajr mingħajr ma jkollhom jinbidlu t-trattati tal-UE.

Riżultat tal-votazzjoni

Voti favur

:

129

Voti kontra

:

59

Astensjonijiet

:

5


(1)  


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 ’il quddiem)”

COM(2011) 831 final

2012/C 299/13

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-30 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-programm Ewropew ta’ monitoraġġ tad-dinja (GMES) u l-operati tiegħu (mill-2014 ’il quddiem)

COM(2011) 831 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’178 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jtenni l-appoġġ sod tiegħu għall-politika spazjali Ewropea u b’mod partikolari għall-proġetti Ewropej il-kbar Galileo u GMES li hu jqis strateġiċi għall-iżvilupp ekonomiku u xjentifiku Ewropew. Fl-opinjonijiet kollha li fassal (1) il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu ddedikati aktar attenzjoni u riżorsi għall-attivitajiet spazjali, li fihom l-UE għandha tibqa’ żżomm pożizzjoni ta’ importanza kbira.

1.2

Il-KESE huwa kontra l-proposta tal-Kummissjoni li testernalizza, ġo fond ad hoc, il-finanzjamenti meħtieġa għall-iżvilupp u għat-tlestija tal-programm GMES.

1.3

Il-KESE jinnota li l-ħtieġa urġenti ta’ programm li qed jidħol fil-fażi operattiva hija dik li tiġi assigurata l-kontinwità tiegħu, inkella jfalli. Il-proposta kollha li jiġġeddu l-mekkaniżmi ta’ finanzjament, ġestjoni u governanza b’mod differenti minn dawk li s-soltu jintużaw u li huma stabbiliti fil-qafas tal-UE, tidher li hija barra minn żmienha, bla ġustifikazzjoni u ġġib magħha riskju kbir. Il-ħolqien ta’ korpi u mudelli ġodda ta’ finanzjament jirrikjedi li tinbeda fażi twila u inċerta ta’ negozjati u studji, li bla dubju jeħtieġu s-snin, ħaġa li ma tidhirx kompatibbli mal-bidu tat-tħaddim ta’ programm bħall-GMES. Dan huwa bla ħtieġa peress li l-kompetenzi u l-karatteristiċi meħtieġa biex jiżvolġi l-programm jinsabu fi ħdan il-Kummissjoni u l-aġenziji l-oħra Ewropej.

1.4

Il-KESE jitlob li l-finanzjament tal-programm isir fi ħdan il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020, u li l-governanza tkun strutturata b’mod li żżomm kont tal-kapaċitajiet eżistenti fl-Ewropa u tevita kemm il-frammentazzjoni tal-entitajiet ta’ tmexxija, kif ukoll il-ħolqien ta’ entitajiet ġodda li mhumiex adattati biex jipparteċipaw fil-ġestjoni ta’ programm li ġie żviluppat matul l-aħħar deċennju. Din it-talba diġà saret f’opinjoni preċedenti (2).

1.5

Il-komunikazzjoni dwar id-dettalji ta’ implimentazzjoni tal-proposta ta’ qbil intergovernattiv għall-ħidma tal-GMES (3) li waslet waqt li din l-opinjoni kienet qed tiġi diskussa ma tbiddilx il-konklużjonijiet li wasalna għalihom. Għall-kuntrarju, hija ssaħħaħhom, peress li twassal biex il-KESE jinnota għal darb’oħra r-riskju kbir li hemm marbut mal-introduzzjoni daqshekk fit-tard ta’ mudell ta’ finanzjament u ta’ tmexxija ġdid li ma ġiex ippruvat, li jinsab barra mill-qafas ta’ finanzjament pluriennali u mill-kanali stabbiliti interni ta’ tmexxija tal-UE.

1.6

Il-KESE jesprimi tħassib kbir minħabba r-riskju konkret li l-programm GMES jista’ jiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji, li jistgħu jqiegħdu f’periklu investiment ta’ aktar minn EUR 3,2 biljun. Fid-dawl tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-riskju jidher li sar kważi ċertezza.

1.7

Il-KESE josserva li, f’inqas minn sena mit-tħaddim previst tiegħu (fl-2013 huwa previst li s-satelliti A tal-kostellazjonijiet Sentinel-1, Sentinel-2 u Sentinel-3 jittellgħu fl-ispazju), id-definizzjoni mill-ġdid tal-apparat kumpless tal-finanzjament u l-governanza għall-GMES, kif deskritt fil-komunikazzjoni msemmija, tidher riskjuża ħafna anke fid-dawl tal-importanza strateġika tal-programm għall-UE.

1.8

Il-komunikazzjoni ma fihiex analiżi ta’ fattibbiltà li tippermetti li ssir valutazzjoni ta’ jekk huwiex possibbli li dan iseħħ fis-sens tal-effettività u l-effiċjenza. Il-ġustifikazzjoni tal-ħtieġa ta’ skema ġdida wkoll mhijiex ċara.

1.9

Il-KESE josserva t-trattament differenti li qed jingħata liż-żewġ programmi tal-pjan spazjali Ewropew, Galileo u GMES: l-ewwel wieħed huwa inkluż fil-qafas finanzjarju multiannwali (QFP), filwaqt li t-tieni wieħed huwa eskluż.

1.10

Ir-rwol marġinali li ngħatat l-Aġenzija Spazjali Ewropea tagħna (ESA) fejn tidħol il-governanza f’din is-sistema kumplessa kien ta’ sorpriża. Din s’issa ħolqot, mexxiet u ħaddmet il-biċċa l-kbira tal-istrutturi satellitari Ewropej, apparti li s’issa pprovdiet, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, kważi l-finanzjament kollu. Is-sostituzzjoni tagħha b’korpi li huma jew ġodda jew li għandhom biss ftit esperjenza fil-ġestjoni ta’ sistemi satellitari u tad-data miġbura minnhom ma tidhirx għaqlija.

1.11

Il-KESE jsostni li, f’inqas minn sena mid-dħul fis-seħħ tal-mudell ta’ finanzjament tal-programm GMES, l-introduzzjoni ta’ definizzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi fuq il-programm daqshekk radikali, kif proposta fil-komunikazzjoni, hija ta’ riskju kbir ħafna għat-tħaddim tas-sistema.

1.12

Il-KESE josserva l-inċertezza u n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-proposta ta’ governanza li ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni. Jidhru b’mod evidenti l-prekarjetà tal-mudell li ġie propost, u l-koordinamenti tekniċi li ġew fdati lil entitajiet li la huma familjari mal-attivitajiet spazjali, u lanqas m’għandhom kultura ta’ xogħol komuni ma’ aġenziji oħra. Barra minn hekk, aktar minn 80 % tal-attivitajiet previsti għall-programm GMES huma marbutin mal-attivitajiet spazjali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-mudell propost u biex iżżomm governanza unitarja, filwaqt li tibqa’ tagħti r-responsabbiltà teknika tal-programm lill-ESA, taħt is-sorveljanza u l-kontroll tal-Kummissjoni, kif kien ġie previst oriġinarjament.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-komunikazzjoni tat-30 ta’ Novembru 2011, li qed issir referenza għaliha, fiha s-soluzzjoni identifikata mill-Kummissjoni Ewropea għall-finanzjament tal-fażi operattiva tal-programm strateġiku għall-monitoraġġ tad-dinja u s-sigurtà tal-GMES, ’il barra mill-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 (4), kif definit s’issa u mwassal sal-fażi ta’ implimentazzjoni finali. Fiha wkoll il-proposta tal-governanza. Għalhekk hija komunikazzjoni ta’ importanza fundamentali għall-programm GMES.

2.2

Il-komunikazzjoni l-oħra dwar xi dettalji ta’ implimentazzjoni tal-proposta ta’ ftehim intergovernattiv għall-ħidma tal-GMES (5) li waslet waqt li kienet qed tiġi diskussa din l-opinjoni, ma tibdilx il-kummenti u lanqas il-konklużjonijiet, peress li hija addendum li jispjega fid-dettall l-aspetti finanzjarji tal-fond propost, u tintroduċi korp ġdid, il-Kunsill GMES, li għandu l-istess kompetenzi li s’issa kienu f’idejn it-tmexxija tal-programmi spazjali Ewropej, biex b’hekk qed jinħoloq kunflitt ċar ta’ kompetenzi u strutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet doppji fl-Ewropa.

2.3

Flimkien ma’ Galileo, il-programm ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) huwa wieħed miż-żewġ programmi ewlenin tal-Unjoni Ewropea fil-qasam spazjali. Dan għandu rwol fundamentali fil-monitoraġġ tad-dinja, u jipprovdi l-mezzi biex jiġi mifhum u osservat it-tibdil fil-klima, il-ħarsien u s-sigurtà ċivili, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni tal-kriżijiet.

2.4

In-nuqqas ta’ finanzjament tal-programm strateġiku ta’ monitoraġġ tad-dinja u s-sigurtà, il-GMES, fil-proposta għall-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 qajjem tħassib kbir minħabba r-riskju konkret li jintilef programm strateġiku għall-Ewropea, li s’issa sewa għaxar snin xogħol u investiment ta’ aktar minn EUR 3 biljun.

2.5

Il-KESE, fl-analiżi tiegħu ta’ Diċembru 2011 (6), kien diġà esprima tħassib kbir rigward il-futur ta’ dan il-programm, fin-nuqqas tal-finanzjament kontinwu tiegħu.

2.6

Il-Parlament Ewropew, fi Frar 2012, permezz tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-futur tal-GMES (7), stabbilixxa li “il-finanzjament tal-GMES ’il barra mill-qafas finanzjarju multiannwali (QFP) – bil-finanzjament u l-istruttura ta’ governanza proposti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni – mhuwiex għażla li tista’ sseħħ”.

2.7

Il-parti spazjali tal-GMES hija bbażata fuq tliet kostellazzjonijiet ta’ satelliti, Sentinel-1, 2 u 3, u fuq strumenti (Sentinel 4 u 5), li jinsabu abbord satelliti oħra. L-ewwel satelliti tat-tliet kostellazzjonijiet se jittellgħu fl-ispazju matul l-2013. Għalhekk, id-definizzjoni ta’ qafas finanzjarju li jiggarantixxi l-finanzjament tal-operazzjonijiet li issa huma imminenti għandha ssir b’mod urġenti.

2.8

Fin-nuqqas ta’ proposta, fl-okkazjoni tal-konferenza stampa tad-9 ta’ Jannar 2012, id-direttur ġenerali tal-ESA stqarr li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar il-finanzjament tal-operazzjonijiet tal-GMES, l-ESA għandha l-intenzjoni li ma twettaqx l-operazzjonijiet previsti ta’ tlugħ fl-ispazju (8).

2.9

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, li ssib il-finanzjament meħtieġ għall-ħolqien u t-tħaddim tal-infrastuttura kollha, permezz ta’ fond ġdid, speċifiku għall-GMES, li għall-ħolqien tiegħu se jkun meħtieġ ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri tal-UE mlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew.

2.10

Għall-fond għandhom jikkontribwixxu s-27 Stat Membru tal-UE skont id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) tagħhom. Il-komunikazzjoni tinkludi mudell ta’ ftehim (9).

2.11

Il-proposta dwar il-governanza li tinsab fil-komunikazzjoni, li mhija xejn inqas importanti minn dik finanzjarja, tindika diversi entitajiet li għandhom jieħdu r-responsabbiltà għall-aspetti u l-oqsma differenti li flimkien jikkostitwixxu l-programm GMES.

2.12

L-introduzzjoni ta’ skema ġdida u kumplessa ta’ finanzjament u ta’ korp ġdid ta’ ġestjoni tal-programm spazjali (il-Kunsill GMES), ma jidhrux li huma ġustifikati u waslu tard, sena biss mit-tlugħ fl-ispazju tal-ewwel satelliti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-programm GMES għall-monitoraġġ globali tad-dinja u s-sigurtà u l-programm GALILEO għan-navigazzjoni satellitari huma l-programmi strateġiċi l-kbar tal-Unjoni Ewropea, li permezz tagħhom hija għandha l-intenzjoni li żżomm l-indipendenza u l-prominenza tagħha fil-qasam spazjali.

3.2

Iż-żamma ta’ tmexxija u indipendenza b’saħħitha fil-qasam spazjali hija kkunsidrata bħala strateġikament importanti għall-futur tal-Ewropa, minħabba l-impatt ekonomiku, teknoloġiku, ġeopolitiku u kulturali f’sens aktar wiesa’ tal-attivitajiet żviluppati fil-qasam spazjali.

3.3

Il-GMES huwa programm strateġiku tal-Unjoni Ewropea li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) nru 911/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.4

Il-komunikazzjoni ssostni li “Sabiex tirrispondi għall-isfidi dejjem jikbru f’livell globali, l-Ewropa għandha bżonn sistema tagħha stess ta’ osservazzjoni koordinata b’mod tajjeb u ta’ min jafdaha. Il-GMES huwa dik is-sistema.”

3.5

Il-Komunikazzjoni tipproponi mudell ġdid ta’ finanzjament, barra mis-sistema stabbilita ta’ ġestjoni fi ħdan il-baġit tal-UE, li teħtieġ miżura speċifika u l-approvazzjoni tas-27 Stat Membru għal mekkaniżmu li, fis-sitwazzjoni finanzjarja attwali (pereżempju ara, iżda mhux biss, is-sitwazzjoni tal-Greċja u l-indisponibbiltà possibbli ta’ Franza u l-Italja), jekk mhux ċertament, bi probabbiltà kbira, ser jiġi blokkat, ħaġa li twassal għal tmiem il-programm GMES.

4.   Kummenti partikolari

Il-finanzjament

4.1

Il-komunikazzjoni tipprevedi l-esklużjoni tal-GMES mill-QFP 2014-2020.

4.2

Iżda l-finanzjament għandu jsir permezz ta’ ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill.

4.3

Il-ftehim jipprevedi li kull Stat Membru tal-Unjoni jħejji l-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu minn qabel, u javża lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4.4

Biex jidħol fis-seħħ, il-ftehim irid jiġi ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

4.5

Il-ftehim jista’ jidħol fis-seħħ biss wara l-approvazzjoni tiegħu mill-aħħar Stat Membru. Minħabba fis-sitwazzjoni finanzjarja Ewropea attwali, kemm dik ġenerali kif ukoll dik ta’ xi Stati Membri b’mod partikolari, din il-klawsola waħedha tidher biżżejjed biex twassal għall-falliment tal-GMES.

4.6

Iż-żmien u l-mod li bih se jitlaqqa’ dan il-Kunsill sa issa għadhom mhumiex magħrufa, u dan huwa riskju meta wieħed iqis li s-satelliti Sentinel 1-2-3 (2013) se jittellgħu fl-ispazju fil-futur qrib.

4.7

Għall-finijiet ta’ programmazzjoni, ġestjoni u eżekuzzjoni tal-fond tal-GMES, il-komunikazzjoni tipprevedi li l-Kunsill jadotta regolament fuq proposta tal-Kummissjoni. Bħalissa l-abbozz ta’ dan ir-regolament għadu mhuwiex disponibbli.

4.8

Għall-finijiet tar-regolament finanzjarju tal-fond tal-GMES, li jistabbilixxi r-regoli marbuta mal-istituzzjoni u l-eżekuzzjoni tal-fond, kif ukoll il-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet, il-komunikazzjoni tipprevedi li dan jiġi adottat mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. Bħalissa l-abbozz ta’ dan ir-regolament għadu mhuwiex disponibbli.

4.9

Sa issa, l-iżvilupp tal-programm sewa EUR 3,2 biljun, mogħtija kważi kollha mill-ESA (1 890 miljun) u mill-UE (1 300 miljun).

4.10

L-implimentazzjoni tal-programm kollu kemm hu, inklużi l-manutenzjoni, l-iżvilupp u l-aġġornamenti, huwa stmat li teħtieġ EUR 5,8 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020 madwar 0.6 % tal-baġit tal-Unjoni, għall-istess perjodu, li huwa EUR 1 025 biljun kif previst mill-QFP 2014-2020. Huwa importanti li niftakru wkoll li l-baġit tal-Unjoni jirrappreżenta madwar 1 % tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG).

4.11

Madanakollu, il-proposta tal-finanzjament tal-GMES ’il barra mill-baġit tal-Unjoni ma jidhirx li twassal għal benefiċċji finanzjarji, peress li s-27 Stat Membru xorta jridu jiggarantixxu l-finanzjament, anke jekk dan isir permezz ta’ sistema ta’ finanzjament differenti bbażata fuq ftehim intergovernattiv kumpless. B’hekk mhijiex ċara r-raġuni warajha.

4.12

Fejn għandha x’taqsam il-parti spazjali, l-ESA għandha l-baġit biex ittella’ fl-ispazju t-tliet satelliti “A” tal-kostellazzjonijiet Sentinel-1,2 u 3. Fil-każ ta’ Sentinel-1, it-tlugħ fl-spazju diġà tħallas, filwaqt li fil-każ tat-tlugħ fl-ispazju tat-tnejn l-oħra ma jidhirx li hemm problemi ta’ finanzjament. Il-baġit wara l-2013 jinvolvi l-varar tal-kostellazzjonijiet kollha, kif previst sabiex ikun jista’ jiġi garantit is-servizz li nħolqu għalih.

Il-governanza

4.13

Għadd ta’ korpi ssemmew fil-komunikazzjoni għall-ġestjoni tal-fażi operattiva tal-GMES.

4.14

Il-ġestjoni u s-monitoraġġ politiku taqa’ f’idejn il-Kummissjoni.

4.15

Skont il-komunikazzjoni ta’ wara dwar id-dettalji ta’ implimentazzjoni li qed tiġi diskussa (COM(2012) 218 final, 11/5/2012), il-korp li jmexxi il-programm GMES ser ikun il-Kunsill GMES li ser ikollu kompetenzi tant mifruxin li jissovrapponu kemm dawk li s-soltu jaqgħu taħt il-ġestjoni ordinarja tal-programmi tal-UE, kif ukoll dawk li s-soltu jappartjenu lill-aġenzija spazjali, biex b’hekk ser jinħolqu kompetenzi u strutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet doppji li jmorru kontra l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tal-UE li diġà huma skarsi.

4.16

Rigward is-servizzi, il-koordinazzjoni teknika tas-servizzi ta’ monitoraġġ tat-territorju ngħatat lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA); il-koordinazzjoni teknika tas-servizzi tal-gestjoni tal-emerġenzi ngħatat liċ-Ċentru Ewropew għal Rispons f’Emerġenzi (ERC); il-koordinazzjoni teknika tas-servizz atmosferiku ngħatat liċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Firxa Medja (CEPM); għat-tibdil fil-klima, il-monitoraġġ tal-ambjent tal-baħar u s-sigurtà għadhom ma ġewx magħżula entitajiet responsabbli; għal servizzi oħra li jikkonċernaw lill-Kummissjoni u lil entitajiet Ewropej oħra ġew proposti entitajiet bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX) jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (AED).

4.17

Għall-parti spazjali, l-attivitajiet operattivi ngħataw (b’mod provviżorju) lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) għall-osservazzjoni tad-dinja u ta’ żoni speċifiċi permezz ta’ immaġini b’riżoluzzjoni għolja u għall-EUMETSAT għal osservazzjonijiet sistematiċi u globali tal-atmosfera u tal-ibħra. L-attivitajiet ta’ żvilupp tal-parti spazjali se jiġu fdati lill-ESA u lill-Kummissjoni.

4.18

L-arranġament intermedju definit b’dan il-mod jikkorrispondi għall-ġestjoni tal-kostellazzjonijiet sħaħ ta’ Sentinel-1 u Sentinel-2 u l-parti fuq l-art tas-Sentinel-3. Hija ċara d-diffikultà li tittieħed responsabbiltà daqstant kbira f’termini ta’ organizzazzjoni u ta’ riżorsi, f’kundizzjonijiet temporanji.

4.19

Għall-komponent in situ, qed tiġi proposta l-koordinazzjoni teknika tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

4.20

Mhuwiex ċar kif il-kompetenzi speċifiċi u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni ta’ dawn l-entitajiet jistgħu jkopru l-ħtiġijiet operattivi ta’ programm bħall-GMES, li l-parti l-kbira minnu hija marbuta mal-qasam spazjali, li għalih hija meħtieġa kompetenza speċifika.

4.21

Il-Kunsill GMES, li ġie propost fil-Komunikazzjoni suċċessiva dwar il-GMES (10), jirdoppja ħafna mill-kompetenzi tat-tmexxija tal-programmi spazjali Ewropej, biex b’hekk joħloq kunflitt ċar ta’ kompetenzi u duplikazzjoni tal-istrutturi deċiżjonali fl-Ewropa, biex b’hekk tinħoloq speċi ta’ aġenzija spazjali parallela, ħaġa li tmur kontra dak li hu previst fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20.

(2)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20.

(3)  COM(2012) 218 final, 11.5.2012.

(4)  COM(2011) 500 final, parti I/II – Bilanċ għall-istrateġija Ewropa 2020.

(5)  COM(2012) 218 final, 11.5.2012.

(6)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 20.

(7)  2012/2509 (RSP).

(8)  http://multimedia.esa.int/Videos/2012/01/ESA-Director-General-2012-Press-Briefing (68:00).

(9)  COM(2012) 218 final, 11.5.2012.

(10)  COM(2012) 218 final, 11.5.2012.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KE”

COM(2012) 73 final — 2012/0029 (COD)

2012/C 299/14

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar il-15 ta’ Marzu 2012 u nhar it-3 ta’April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttiva 98/26/KE

COM(2012) 73 final – 2012/0029 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’110 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' din l-inizjattiva regolatorja. Bil-ħolqien tar-Regolament dwar is-CSDs, il-Kummissjoni ser tkun ikkompletat it-tliet pilastri tal-qafas il-ġdid tar-regolamentazzjoni dwar l-infrastruttura finanzjarja fl-UE: is-CSDs, l-EMIR u l-MiFID/MiFIR.

1.2

L-introduzzjoni tal-euro kienet katalizzatur għall-investiment transkonfinali fit-titoli u l-funzjonament tajjeb tal-investiment transkonfinali huwa bbażat fuq standards komuni madwar l-Unjoni. Livell għoli ta’ dixxiplina fir-rigward tas-saldu jnaqqas ir-riskju tal-kontraparti, jew b'mod aktar speċifiku r-riskju tal-likwidità u r-riskju tas-sostituzzjoni. Aktar importanti, jippromovi l-protezzjoni tal-investitur, billi jgħin biex it-tranżazzjonijiet bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja tat-titoli jiġu saldati b'mod sikur u fil-ħin. F'dan ir-rigward, ir-Regolament huwa pass importanti 'l quddiem lejn it-twettiq tas-Suq Uniku.

1.3

Bidla kbira proposta fl-ambitu tal-attivitajiet tas-CSDs hija l-projbizzjoni ta’ detenzjoni ta’ liċenzja bankarja limitata. Dan ser jaffettwa lil żewġ CSDs kbar internazzjonali li jużaw il-kapaċitajiet bankarji tagħhom biex jappoġġjaw il-proċess ta’ saldu u ta’ kustodja fuq skala kbira ħafna. Il-KESE jagħraf li l-piż tal-opinjoni globali (G20, Kummissjoni Ewropea, IOSCO, eċċ.) huwa bil-kbir favur id-diviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni u jemmen li l-aħjar soluzzjoni hija bank indipendenti.

1.4

Il-proposta għal rekwiżit ta’ saldu uniformi fi żmien T+2 hija importanti ħafna. Filwaqt li dan aktarx jista' jinkiseb fl-UE, ser ikun hemm bżonn li jiġu indirizzati għadd ta’ problemi għat-tranżazzjonijiet globali.

1.5

Il-proposti jitolbu d-dematerjalizzazzjoni tat-titoli negozzjabbli. Hemm perjodu ta’ tranżizzjoni li jispiċċa fl-1 ta’ Jannar 2020. Madankollu, l-Istati Membri kisbu livelli differenti ta’ progress f'dan ir-rigward u jaf ikun hemm bżonn ta’ kompromess politiku.

2.   Daħla

2.1

Id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs – Central Securities Depositories) huma istituzzjonijiet sistemikament importanti għas-swieq finanzjarji. Kwalunkwe negozjar ta’ titoli ġewwa jew barra borża tat-titoli huwa segwit minn proċessi ta’ wara n-negozjar li jwasslu għas-saldu ta’ dak in-negozju, jiġifieri l-għoti ta’ titoli għal flus. Is-CSDs huma l-istituzzjonijiet ewlenin li jippermettu li jsir is-saldu billi jħaddmu l-hekk imsejħa sistemi ta’ saldu tat-titoli. Is-CSDs jiżguraw ukoll ir-reġistrar inizjali u l-manutenzjoni ċentrali tal-kontijiet tat-titoli li jirreġistraw kemm-il titolu nħareġ, minn min u kull bidla fiż-żamma ta’ dawk it-titoli.

2.2

Is-CSDs għandhom rwol kruċjali wkoll għas-suq tal-kollateral, b'mod partikolari għal skopijiet ta’ politika monetarja. Pereżempju, kważi kull kollateral eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fl-UE, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, jgħaddi mis-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs.

2.3

Fl-2010, is-sistemi tas-saldu tat-titoli fl-UE saldaw madwar EUR 920 triljun fi tranżazzjonijiet, u fi tmiem l-2010 kellhom depożitati magħhom kważi EUR 39 triljun f'titoli. Hemm aktar minn 30 CSD fl-UE, ġeneralment wieħed f'kull pajjiż, u żewġ CSDs ‘internazzjonali’ (ICSDs – Clearstream Banking Luxembourg u Euroclear Bank), li huma sottokategorija ta’ CSDs speċjalizzati fil-ħruġ ta’ bonds internazzjonali, komunament magħrufa bħala “Eurobonds”.

2.4

Filwaqt li huma ġeneralment sikuri u effiċjenti fi ħdan il-fruntieri nazzjonali, is-saldu transfruntier bħala appoġġ għall-investiment transfruntier huwa aktar kumpless u jġib miegħu spejjeż ogħla mis-saldu domestiku. Pereżempju, l-għadd ta’ fallimenti tas-saldu huwa ogħla fi tranżazzjonijiet transfruntieri milli fi tranżazzjonijiet domestiċi u l-ispejjeż tas-saldu transfruntier huma sa erba' darbiet ogħla mill-ispejjeż għas-saldu domestiku. B'mod ġenerali, l-ispejjeż tas-CSDs huma minimi fi ħdan l-ispejjeż globali involuti fl-użu tal-elementi kollha tal-infrastruttura, avolja jirrappreżentaw spiża importanti għall-emittenti.

2.5

Dawn il-problemi fis-sikurezza huma l-konsegwenza ta’ għadd ta’ fatturi, inklużi:

It-tul taċ-ċiklu tas-saldu. Iż-żmien bejn in-negozju u s-saldu mhuwiex armonizzat fl-UE, u dan joħloq xkiel meta t-titoli jiġu saldati b'mod transfruntier;

Proporzjon żgħir iżda sostanzjali ta’ titoli għadu jeżisti fuq il-karti. Dawn it-titoli jiġu saldati wara ċiklu tas-saldu ferm itwal, u dan iżid ir-riskju li jġorru l-investituri;

Fallimenti tas-saldu, li huma sitwazzjonijiet fejn tranżazzjoni ma jirnexxilhiex tiġi saldata fid-data tas-saldu maħsuba, mhumiex soġġetti għal penali deterrenti fis-swieq kollha u fejn jeżistu l-miżuri dixxiplinarji tas-saldu jvarjaw ħafna bejn is-swieq;

Filwaqt li d-Direttiva 98/26/KE dwar finalità ta’ saldu fis-sistemi ta’ saldu ta’ pagamenti u titoli (SFD) tnaqqas ix-xkiel għal sistema ta’ saldu tat-titoli kkawżat minn proċeduri ta’ insolvenza kontra parteċipant f'dik is-sistema, din ma tindirizzax riskji oħrajn tas-sistema jew ir-reżiljenza tas-CSD li jħaddem is-sistema. Uħud mis-CSDs huma soġġetti għal riskji fuq il-kreditu u tal-likwidità addizjonali li jiġu mill-forniment ta’ servizzi bankarji anċillari għas-saldu;

Filwaqt li huma meqjusa bħala l-ewwel pass lejn il-konsolidazzjoni tas-swieq Ewropej tas-saldu, il-ftehimiet ta’ konnessjoni bejn is-CSDs joħolqu tħassib dwar is-sikurezza fin-nuqqas ta’ regoli prudenzjali speċifiċi għal dawn il-konnessjonijiet. Barra minn hekk, ikabbru l-interkonnettività bejn is-CSDs u dan jiġġustifika ulterjorment l-introduzzjoni ta’ qafas prudenzjali komuni.

2.6

In-nuqqas ta’ suq intern uniku effiċjenti għas-saldu jqajjem ukoll tħassib importanti. Għadhom jeżistu ostakli importanti għas-suq Ewropew ta’ wara n-negozjar, bħal pereżempju l-limitazzjoni tal-aċċess tal-emittenti tat-titoli għas-CSDs, reġimi u regoli ta’ liċenzjar nazzjonali differenti għas-CSDs madwar l-UE u kompetizzjoni limitata bejn is-CSDs nazzjonali differenti. Dawn l-ostakli jirriżultaw f'suq frammentat ħafna. Konsegwentement, is-saldu transfruntier ta’ tranżazzjonijiet jiddependi minn ‘katini’ ta’ holdings kumplessi bla bżonn li spiss jinvolvu diversi CSDs u diversi intermedjarji oħrajn. Dan iħalli impatt negattiv fuq l-effiċjenza, iżda anki fuq ir-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet transfruntieri.

2.7

Dawn il-problemi huma importanti peress li t-tranżazzjonijiet transfruntieri fl-Ewropa, li jvarjaw minn xiri/bejgħ normali ta’ titoli sa trasferimenti ta’ kollateral, qegħdin dejjem jiżdiedu u s-CSDs qed isiru dejjem aktar interkonnessi. Dawn ix-xejriet huma mistennija jiżdiedu b'rata mgħaġġla bid-dħul tat-Target2 Securities (T2S), proġett imniedi mill-Eurosystem sabiex jipprovdi pjattaform komuni mingħajr fruntieri għas-saldu tat-titoli fl-Ewropa, li huwa skedat li jibda fl-2015.

3.   Ir-Regolament propost fil-qosor

3.1

Ir-Regolament propost għandu żewġ partijiet ewlenin: miżuri li jindirizzaw l-operaturi kollha tas-suq fil-kuntest tas-saldu tat-titoli (Titolu II) u miżuri li jindirizzaw b'mod speċifiku lis-CSDs (Titoli III, IV u V).

Saldu tat-titoli

3.2

It-Titolu II jimponi l-hekk imsejħa dematerjalizzazzjoni/immobilizzazzjoni tat-titoli, li huwa l-ħruġ ta’ titoli fil-format ta’ entrata fil-kotba. Din il-miżura għandha l-għan li żżid l-effiċjenza tas-saldu, tiffaċilita t-tqassir tal-perjodi tas-saldu u tiżgura l-integrità ta’ ħruġ ta’ titoli billi tippermetti rikonċiljazzjoni eħfef taż-żamma tat-titoli. Ir-Regolament propost jipprovdi għal perjodu ta’ tranżazzjoni twil biżżejjed, sal-1 ta’ Jannar 2020, sabiex jippermetti lill-operaturi tas-suq mill-Istati Membri fejn għadhom jeżistu ammonti sinifikanti ta’ titoli fuq il-karta biex jikkonformaw ma’ din il-miżura.

3.3

It-Titolu II jarmonizza l-perjodu tas-saldu għat-tranżazzjonijiet tat-titoli madwar l-UE. Fl-Ewropa, ħafna mit-tranżazzjonijiet ta’ titoli jiġu saldati fi żmien jumejn jew tlieta wara l-ġurnata tan-negozjar, skont is-suq. Il-perjodu tas-saldu ser jiġi armonizzat u stipulat għal jumejn wara l-ġurnata tan-negozjar, għalkemm ser ikunu permessi perjodi iqsar tas-saldu.

3.4

It-Titolu II jarmonizza l-miżuri dixxiplinarji tas-saldu madwar l-UE. Dawn jikkonsistu f'miżuri ex ante għall-prevenzjoni tal-fallimenti tas-saldu, u miżuri ex post biex jindirizzaw il-fallimenti tas-saldu.

Awtorizzazzjoni u superviżjoni tas-CSDs

3.5

Id-Direttiva 98/26/KE diġà tiddefinixxi s-sistemi tas-saldu tat-titoli bħala arranġamenti formali li jippermettu t-trasferimenti ta’ titoli bejn parteċipanti differenti. Madanakollu, dik id-Direttiva ma tindirizzax l-istituzzjonijiet li huma responsabbli mit-tħaddim ta’ dawn is-sistemi. Fir-rigward tal-kumplessità ta’ dawn is-sistemi u r-riskji relatati mas-saldu li dejjem qed jiżdiedu, huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli jiġu legalment definiti, awtorizzati u superviżati skont sett ta’ standards prudenzjali komuni.

3.6

Is-CSDs iridu jkunu awtorizzati u superviżati minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-post fejn ikunu stabbiliti. Madanakollu, minħabba l-element transfruntier dejjem jikber tal-attività tagħhom, ikollhom jiġu kkonsultati awtoritajiet oħrajn relatati mas-sistema/i ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD u relatati ma’ entitajiet ta’ grupp oħrajn. L-AETS ser ikollha rwol importanti fl-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi sabiex jiġi armonizzat il-proċess tal-awtorizzazzjoni u sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet.

3.7

Il-proposta tagħti “passaport” lis-CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi fl-Unjoni, jew billi jipprovdu direttament servizz fi Stat Membru ieħor jew billi jistabbilixxu fergħa f'dak l-Istat Membru. CSD minn pajjiż terz jista' jingħata aċċess għall-Unjoni jekk ikun rikonoxxut mill-AETS.

Rekwiżiti għas-CSDs

3.8

Peress li s-CSDs huma sistemikament importanti u jwettqu servizzi kritiċi għas-suq tat-titoli, dawn iridu jkunu soġġetti għal standards prudenzjali għoljin sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tagħhom u l-protezzjoni tal-parteċipanti tagħhom. Ir-rekwiżiti għas-CSDs huma miġbura f'diversi kategoriji: rekwiżiti organizzazzjonali, regoli tal-kondotta tan-negozju, rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD, rekwiżiti prudenzjali u rekwiżiti għall-konnessjonijiet tas-CSD.

3.9

Ir-regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet jirrikjedu li l-operazzjonijiet ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u strettament ibbażati fuq ir-riskju u li jkun hemm divulgazzjoni sħiħa tal-ispejjeż u d-dħul lill-awtoritajiet kompetenti.

3.10

Ir-rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD jinkludu obbligi dwar ir-rikonċiljazzjoni dakinhar tal-kontijiet u s-segregazzjoni tal-kontijiet. Rigward is-saldu fi flus, il-proposta teħtieġ li s-CSDs isaldaw f'kontijiet f'banek ċentrali kull meta dan ikun prattikabbli u disponibbli. Saldu fi flus f'bank kummerċjali jista' jsir, madanakollu, għall-kuntrarju ta’ ċerti prattiki attwali, dan għandu jsir permezz ta’ istituzzjoni ta’ kreditu separata li taġixxi bħala aġent tas-saldu.

3.11

Ir-rekwiżiti prudenzjali għas-CSDs stess jinkludu dispożizzjonijiet importanti dwar il-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali. Peress li s-CSDs ma jitħallewx iwettqu servizzi tat-tip bankarju b'mod dirett, ir-riskju ewlieni li ser jaffaċjaw is-CSDs huwa riskju operazzjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-operazzjonijiet, inkluż is-saldu, il-ħin kollu. Huma stabbiliti wkoll rekwiżiti kapitali b'referenza għall-ispejjeż operazzjonali – is-CSDs għandhom iżommu l-kapital, il-qligħ imfaddal u r-riżervi sabiex ikopru minimu ta’ sitt xhur spejjeż operazzjonali.

3.12

Ir-rekwiżit għall-konnessjonijiet tas-CSDs jinkludi l-istabbiliment ta’ regoli identiċi dwar il-finalità tas-saldu.

Aċċess għas-CSDs

3.13

Il-ftuħ tas-suq għas-servizzi tas-CSD u t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess huma wieħed mill-objettivi ta’ din l-inizjattiva. Qed jiġu kkunsidrati tliet tipi ta’ aċċess: (a) bejn emittenti u CSDs, (b) bejn CSDs, u (c) bejn CSDs u infrastrutturi oħrajn tas-suq.

3.14

L-abbozz jintroduċi d-dritt tal-emittenti li jirreġistraw it-titoli tagħhom fi kwalunkwe CSD awtorizzat fl-Unjoni kif ukoll id-dritt għas-CSDs li jipprovdu servizzi għal titoli li ġew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

3.15

CSD għandu jkollu d-dritt li jirċievi aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet mis-CCPs u ċentri tan-negozjar u dawk l-infrastrutturi għandu jkollhom aċċess għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs.

Istituzzjonijiet ta’ kreditu

3.16

Meta saldu f'bank ċentrali ma jkunx prattiku jew disponibbli, is-CSDs jistgħu joffru lill-parteċipanti tagħhom saldu fi flus f'bank kummerċjali. Madanakollu, is-CSDs ma għandhomx jipprovdu s-servizzi bankarji anċillari għas-saldu huma stess, iżda għandhom ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jagħżlu istituzzjoni ta’ kreditu li taġixxi bħala aġent tas-saldu għall-ftuħ tal-kontijiet tal-flus u l-għoti ta’ faċilitajiet ta’ kreditu bil-għan li jiġi ffaċilitat is-saldu.

3.17

Din is-separazzjoni bejn is-CSDs u l-aġenti tas-saldu hija miżura importanti sabiex tiġi indirizzata u tiżdied is-sikurezza tas-CSDs. Is-servizzi bankarji anċillari għas-saldu jżidu r-riskji li għalihom huma esposti s-CSDs u għaldaqstant iżidu l-probabilità li s-CSDs iġarrbu inadempjenza jew ikunu soġġetti għal stress qawwi.

3.18

Filwaqt li ġeneralment is-servizzi bankarji jiġu pprovduti minn xi CSDs fuq il-bażi ta’ dakinhar (jiġu integralment koperti minn riżorsi kollaterali u minn riżorsi finanzjarji oħra) u huma limitati għas-servizzi anċillari għas-saldu, l-ammonti ġestiti xorta waħda huma sinifikanti u kwalunkwe inadempjenza ta’ CSDs bħal dawn ikollha konsegwenzi negattivi għas-swieq tat-titoli u tal-pagamenti. Ir-rekwiżit li s-servizzi bankarji jiġu fornuti f'entità legali separata minn dik li tipprovdi s-servizzi ewlenin tas-CSD ser jipprevjeni t-trażmissjoni tar-riskji mis-servizzi bankarji għall-forniment ta’ servizzi ewlenin tas-CSD, b'mod partikolari fil-każ ta’ insolvenza jew stress qawwi li jirriżultaw mis-servizzi bankarji.

3.19

Għas-CSDs li diġà jipprovdu servizzi bankarji, l-ispejjeż ewlenin assoċjati ma’ din il-miżura huma l-ispejjeż legali involuti fit-twaqqif ta’ entità legali separata għall-forniment ta’ servizzi bankarji. Fil-fehma tal-Kümmissjoni, ma hemm l-ebda alternattiva inqas strinġenti għas-separazzjoni tas-servizzi bankarji, li tkun telimina kompletament il-periklu ta’ trażmissjoni ta’ riskji mis-servizzi bankarji għas-servizzi ewlenin tas-CSD.

3.20

Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenzi li jirriżultaw mid-dispożizzjoni ta’ servizzi kemm ta’ CSD kif ukoll bankarji fl-istess grupp ta’ intrapriżi, ir-rekwiżit li s-servizzi bankarji jitwettqu minn istituzzjoni ta’ kreditu differenti ma għandux jipprevjeni lil dik l-istituzzjoni ta’ kreditu milli tagħmel parti mill-istess grupp ta’ intrapriżi bħas-CSD.

3.21

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu juru każ b'każ li ma jeżistix riskju sistemiku li jinħoloq mill-forniment ta’ servizzi ta’ CSD kif ukoll bankarji mill-istess entità ġuridika. F'dan il-każ, tkun tista' ssir talba ġustifikata lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tawtorizza deroga. Fi kwalunkwe każ, l-attivitajiet ta’ CSD liċenzjat bħala istituzzjoni ta’ kreditu għandhom ikunu limitati għall-forniment ta’ servizzi bankarji anċillari għas-saldu.

Sanzjonijiet

3.22

Pereżempju, analiżi tar-reġimi superviżorji nazzjonali fis-seħħ uriet li l-livelli ta’ sanzjonijiet pekunarji jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri, li wħud mill-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ċerti setgħat ta’ sanzjonar importanti għad-dispożizzjoni tagħhom u li xi awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jimponu sanzjonijiet fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi li sett minimu ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, twissijiet pubbliċi, tkeċċija tal-maniġers, radd lura ta’ profitti miksuba mill-ksur ta’ dan ir-Regolament meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati, u multi amministrattivi.

4.   Il-perspettiva tal-KESE

4.1

Il-KESE jilqa' din l-inizjattiva regolatorja. Bil-ħolqien tar-Regolament dwar is-CSDs, il-Kummissjoni ser tkun ikkompletat it-tliet pilastri tal-qafas il-ġdid tar-regolamentazzjoni dwar l-infrastruttura finanzjarja fl-UE: is-CSDs, l-EMIR u l-MiFID/MiFIR. Flimkien, dawn it-tliet strumenti jkopru s-suq b'mod mifrux u komprensiv. Il-Kummissjoni għandha toqgħod attenta li tiżgura li dawn l-istrumenti jorbtu tajjeb flimkien mingħajr ma jidħlu f'xulxin peress li dan jaf iwassal għal interpretazzjoni diverġenti tar-regoli l-ġodda. Huwa wkoll essenzjali li dawn l-inizjattivi leġislattivi differenti jkunu koerenti u konsistenti bejniethom fl-oqsma ewlenin.

4.2

L-AETS ser tkun responsabbli għall-abbozzar tal-istandards tekniċi għal din il-leġislazzjoni l-ġdida, kif ukoll għaż-żewġ pilastri l-oħra. Il-Kumitat jinnota l-firxa tal-kompiti u r-responsabbilitajiet li qed jiġu allokati lill-AETS fi żmien relattivament qasir. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu responsabbiltajiet fir-rigward tar-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, is-superviżjoni tas-settur tal-awditjar, sehem fil-bejgħ bin-nieqes u fl-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu, kif ukoll is-superviżjoni tad-Direttiva dwar l-AIFM. Huwa essenzjali li l-AETS jkollha persunal bil-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha b'mod effettiv.

4.3

Peress li l-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji huma soġġetti għal regolazzjoni ġdida, superviżjoni ġdida, rekwiżiti prudenzjali ġodda, eċċ., ir-Regolamenti dwar is-CSDs ser ikomplu joħolqu sensiela ta’ tibdiliet għall-industrija. Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ dawn il-bidliet addizzjonali, iżda jħeġġeġ lil dawk inkarigati mir-regolazzjoni u s-superviżjoni, b'mod partikolari lill-AETS, sabiex joqogħdu attenti għall-problemi potenzjali jafu jiġu kkaġunati minn regolazzjoni eċċessiva.

4.4

L-introduzzjoni tal-euro kienet katalizzatur għall-investiment transkonfinali fit-titoli u l-funzjonament tajjeb tal-investiment transkonfinali huwa bbażat fuq standards komuni madwar l-Unjoni. Livell għoli ta’ dixxiplina fir-rigward tas-saldu jnaqqas ir-riskju tal-kontraparti, jew b'mod aktar speċifiku r-riskju tal-likwidità u r-riskju tas-sostituzzjoni. Aktar importanti, jippromovi l-protezzjoni tal-investitur, billi jgħin biex it-tranżazzjonijiet bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja tat-titoli jiġu saldati b'mod sikur u fil-ħin. F'dan ir-rigward, ir-Regolament huwa pass importanti 'l quddiem lejn it-twettiq tas-Suq Uniku.

4.5

Fil-kuntest ukoll tas-Suq Uniku, il-KESE jilqa' l-proposta għall-għoti ta’ “passaport” lil CSDs awtorizzati peress li dan ser jgħin biex jitneħħew l-ostakli għall-aċċess u fl-istess ħin l-emittenti ser jingħataw id-dritt li jirreġistraw it-titoli tagħhom fi kwalunkwe CSD awtorizzat fl-UE. Dan it-tkissir tal-monopolji nazzjonali huwa wkoll ta’ min jilqgħu fis-Suq Intern.

4.6

L-approċċ imsejjes fuq riskju baxx lejn id-definizzjoni tal-mudell ta’ negozju tas-CSDs, kif ukoll il-fatt li l-mudell fil-verità ser ikun limitat bir-regolazzjoni, jista' jkun mistenni jkollu effetti kemm pożittivi kif ukoll negattivi fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni tas-CSDs. Il-ftuħ tas-suq transfruntier ser ikun bla dubju ta’ vantaġġ. Mill-bqija, is-CSDs għandhom permess joffru firxa ta’ servizzi kemm-il darba jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-swieq tat-titoli. Barra minn hekk, u sabiex l-innovazzjoni tkompli tiġi stimolata, il-KESE jipproponi li s-CSDs ma jitħallewx ikunu s-sidien ta’ negozji li ma jaqgħux taħt l-ambitu ta’ CSD biss fil-każ li attivitajiet bħal dawn ikunu ta’ ħsara għall-profil tar-riskju tas-CSD.

4.7

Bidla kbira proposta għall-ambitu tal-attivitajiet tas-CSDs hija l-projbizzjoni ta’ CSD milli jkun detentur ta’ liċenzja bankarja limitata. Dan ser jaffettwa lil żewġ CSDs kbar internazzjonali - Euroclear u Clearstream - li jużaw il-kapaċitajiet bankarji tagħhom biex jappoġġjaw il-proċess ta’ saldu u ta’ kustodja fuq skala kbira ħafna. L-ambitu tal-attivitajiet bankarji huwa limitat ferm, u rnexxielu jiffaċċja l-kriżi reċenti mingħajr problemi. Madankollu, il-KESE jagħraf li l-piż tal-opinjoni globali (G20, Kummissjoni Ewropea, IOSCO, eċċ.) huwa bil-kbir favur id-diviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Is-CSDs ser ikunu awtorizzati joħolqu bank b'ambitu limitat taħt sjieda ta’ grupp. Dan mhuwiex mistenni jwassal għal reviżjoni kbira tal-mudell ta’ negozju tas-CSDs.

4.8

Minkejja l-fehma ddikjarata tal-Kummissjoni li ma hemm l-ebda alternattiva għas-separazzjoni tal-attività bankarja mill-ħidma ewlenija tas-CSDs, id-dispożizzjoni msemmija f'punt 3.21 hawn fuq tipprevedi deroga possibbli meta l-awtorità kompetenti nazzjonali tagħti l-appoġġ tagħha. Għad li l-possibiltà ta’ deroga teżisti, il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni u jemmen li l-aħjar soluzzjoni hija bank indipendenti.

4.9

Il-proposti jitolbu d-dematerjalizzazzjoni tat-titoli negozzjabbli. Hemm perjodu ta’ tranżizzjoni li jispiċċa fl-2020. Madankollu, l-Istati Membri kisbu livelli differenti ta’ progress f'dan ir-rigward u jaf ikun hemm bżonn ta’ kompromess politiku.

4.10

Proposta ewlenija oħra hija rekwiżit ta’ saldu uniformi fi żmien T+2. Filwaqt li dan aktarx jista' jinkiseb fis-Suq Intern, ser ikun hemm bżonn li jiġu indirizzati għadd ta’ problemi għat-tranżazzjonijiet globali. Dawn jinkludu l-kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-kambju, il-possibbiltà li l-istokk ikun misluf, diskrepanzi bejn iż-żoni ta’ ħin, ċikli ta’ saldu differenti fis-swieq ta’ reġjuni oħra u l-ispiża sinifikanti li taf tkun involuta għall-awtomatizzazzjoni tas-sistemi sabiex it-T+2 jkun possibbli.

4.11

Bażikament, ir-Regolament jitlob li s-CSDs kollha jistabbilixxu sistemi ta’ multi għall-parteċipanti li ma jsaldawx fil-ħin, imma dawn is-sistemi jridu jkunu adattati għall-istrument. Jekk tiġi applikata multa f'każ ta’ dewmien fil-kunsinna ta’ ishma nonlikwidi jew ishma ta’ SMEs, dan jaffettwa b'mod negattiv il-likwidità tagħhom fis-suq. Għandha titqies deroga għall-SMEs elenkati. L-abbozz ta’ Regolament ma jiddiskutix id-destinazzjoni tal-fondi miġbura permezz ta’ multi.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa”

COM(2012) 84 final — 2012/0035 (COD)

2012/C 299/15

Relatur: is-Sinjura KÖSSLER

Nhar l-14 ta’ Marzu 2012 u t-13 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistemi pubbliċi tal-assigurazzjoni tas-saħħa

COM(2012) 84 final – 2012/0035 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’123 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jenfasizza li s-saħħa hija prijorità għolja għaċ-ċittadini tal-Ewropa (1) u jafferma mill-ġdid li kull mediċina awtorizzata fl-UE għandha tkun disponibbli għall-pazjenti fl-Istati Membri kollha.

1.2   Il-KESE jenfasizza li l-aċċess għall-mediċini essenzjali huwa parti mit-twettiq tad-dritt għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jinkiseb u l-impenn tal-UE rigward il-prinċipju ta’ “benesseri” (Artikolu 3 tat-TUE).

1.3   Il-KESE jenfasizza li d-Direttiva ma tistax tapplika biss għal parti mis-suq tal-prodotti mediċinali, iżda għandha tapplika għas-suq kollu, u għandha tinkludi l-assigurazzjoni privata kontra l-mard u l-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati, bħala l-akbar sorsi tad-domanda għall-prodotti mediċinali, bil-għan li jiġu stabbiliti kompetizzjoni ġusta u suq intern.

1.4   Il-KESE jinnota li ġie stmat li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa swew lill-UE madwar EUR 141 biljun fl-2004 jew 1,4 % tal-PDG (2).

1.5   Il-KESE jinnota bi tħassib il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-ipprezzar u r-rimborż għall-aċċess tal-prodotti mediċinali mhumiex mifhuma tajjeb fl-UE27.

1.6   Il-KESE jenfasizza d-differenzi fil-mortalità u l-morbożità li attwalment jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE b’mod partikolari għall-mard kardjovaskulari, il-kanċer u l-mard respiratorju (3).

1.7   Il-KESE jinnota li l-proċessi tal-ipprezzar u r-rimborż li jibqgħu japplikaw lil hinn mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fid-direttiva jikkontribwixxu għall-posponiment tat-tnedija ta’ mediċini innovattivi fis-suq (4).

1.8   Il-KESE jenfasizza li dan jaffettwa lill-pazjenti b’mard serju jew ta’ theddid għall-ħajja li għalih ma huwa disponibbli l-ebda trattament alternattiv, u d-dewmien fl-aċċess għall-mediċini jista’ jaffettwa b’mod drammatiku l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-pazjenti u jnaqqas l-istennija tal-għomor tagħhom.

1.9   Il-KESE jenfasizza li meta pazjent ikun jeħtieġ prodott mediċinali, huwa essenzjali għall-pazjent li jkun jaf minn qabel liema huma r-regoli applikabbli għal aċċess u rimborż. Dan għandu jgħin lill-pazjent biex jagħmel għażla informata, u għandu jevita li jkun hemm nuqqas ta’ fehim jew interpretazzjoni ħażina. Għandu jistabbilixxi wkoll livell għoli ta’ fiduċja bejn il-pazjent u l-fornitur tal-kura tas-saħħa.

1.10   Il-KESE jissuġġerixxi li dan għandu jintlaħaq b’mod adatt permezz tat-twaqqif ta’ proċedura miftuħa u trasparenti kif propost f’xi każijiet mill-Kummissjoni.

1.11   Il-KESE jissuġġerixxi li l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-UE fil-qasam tat-trasparenza tal-ipprezzar u r-rimborż jirrikjedu kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi speċjalizzati u l-involviment tal-‘partijiet interessati’ li jirrikjedi qafas għall-għan ta’ konsultazzjonijiet regolari.

1.11.1   B’dan il-KESE qed jissuġġerixxi li l-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Esperti (Kumitat ta’ Trasparenza), stabbilit mid-Direttiva 89/105/KEE u miżmum fil-proposta attwali, ikollha rappreżentazzjoni usa’.

1.11.2   IL-KESE jipproponi li dan il-‘Grupp ta’ Esperti’, filwaqt li jaġixxi fl-interess pubbliku, għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-oqsma proċedurali għat-trasparenza, u għandu jħeġġeġ skambji ta’ esperjenza, politiki u prattiki rilevanti bejn l-Istati Membri u l-‘partijiet interessati’ differenti involuti.

1.11.3   Il-KESE jenfasizza li monitoraġġ u appoġġ effiċjenti f’livell ta’ UE, permezz ta’ implimentazzjoni effettiva mal-monitoraġġ u l-valutazzjoni korrispondenti tal-UE, huma essenzjali għall-iskoperta ta’ distorsjonijiet u dewmien għal aċċess fis-suq għall-pazjenti. Għalhekk huwa meħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-‘partijiet interessati (5).

1.11.4   Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tipproduċi rapport annwali li jkun jista’ jidentifika l-infurzar effettiv tad-Direttiva dwar it-Trasparenza bl-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi proċedurali għall-ipprezzar u r-rimborż, u l-konformità mal-limiti ta’ żmien speċifiċi għal kull Stat Membru stipolati mid-Direttiva.

1.12   Il-KESE jista’ jenfasizza li l-limiti ta’ żmien mhux dejjem jiġu osservati u l-aċċess għas-suq u l-użu tiegħu b’mod effettiv ivarjaw ħafna bejn u fl-Istati Membri (6).

1.12.1   Il-KESE jqis li r-rimedji ġudizzjarji disponibbli fl-Istati Membri kellhom rwol limitat sabiex tiġi żgurata konformità mal-limiti ta’ żmien minħabba li sikwit ikun hemm dewmien żejjed fil-proċeduri legali fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali, li jżomm lura lill-intrapriżi kkonċernati milli jibdew azzjoni legali.

1.12.2   Il-KESE jqis li huma meħtieġa mekkaniżmi effikaċi għall-kontroll u l-infurzar tal-konformità mal-limiti ta’ żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar u r-rimborż.

1.12.3   Il-KESE jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex jipprovdu drittijiet ta’ proċess ġust li għandhom jiġu inklużi għall-partijiet interessati rilevanti kollha u bħala minimu għandhom ikopru: (i) id-dritt li wieħed jinstema’, (ii) id-dritt għal aċċess għall-fajl amministrattiv, inkluż evidenza xjentifika u rapporti rilevanti, u (iii) id-dritt li tinkiseb deċiżjoni motivata.

1.13   Fir-rigward ta’ limiti iqsar ta’ żmien, il-KESE jirrimarka li l-ogħla prijorità għandha tingħata lis-sigurtà tal-pazjenti. B’mod partikolari, l-għarfien u r-referenzi ġodda dwar is-sigurtà tal-pazjenti għandhom jitqiesu fil-proċedura tal-ipprezzar u r-rimborż permezz ta’ espansjoni tal-ambitu tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa iżda anki permezz ta’ tqabbil ma’ terapiji alternattivi oħra. Barra minn hekk, in-negozjati neċessarji dwar il-prezz li ser isiru ma’ kull kumpanija mhux ser isiru iktar faċli jekk jitnaqqas il-limitu taż-żmien u b’hekk ma jkunux jistgħu jitħaffu.

1.13.1   Il-KESE jenfasizza li għandu jkun hemm valutazzjoni kkoordinata fil-livell nazzjonali sabiex jiġi evitat li r-regoli reġjonali jfixklu l-aċċess għall-prodotti mediċinali għall-pazjenti f’reġjuni differenti tal-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom fl-attivitajiet relatati kollha sabiex jiffaċilitaw l-aċċess indaqs għall-prodotti mediċinali għaċ-ċittadini kollha fi Stat Membru (7).

1.13.2   Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-limiti ta’ żmien iżjed effiċjenti billi jikkjarifikaw li l-awtoritajiet iridu jirrikonoxxu li rċevew l-applikazzjoni fi żmien 10 ijiem u jridu jitolbu kwalunkwe informazzjoni nieqsa fi żmien limitu adatt minn meta jirċievu l-applikazzjoni sabiex ma jkunx hemm dewmien mhux meħtieġ qabel ma l-applikanti jippreżenta l-informazzjoni addizzjonali mitluba.

1.14   Il-KESE jqis li l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tal-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jitolbu l-bidu tal-proċess ta’ inklużjoni tal-prodotti mediċinali fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u għandu jkollhom ukoll informazzjoni dwar il-progress ta’ dan il-proċess.

1.14.1   Il-KESE jinnota li l-kumpaniji statutorji u privati tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandhom rwol u influwenza dejjem akbar, pereżempju permezz ta’ ftehimiet ta’ roħs fil-prezzijiet mal-kumpaniji farmaċewtiċi, u għaldaqstant jissuġġerixxi li l-Istati Membri jirrevedu, tal-inqas darba fis-sena, l-attivitajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod regolari l-prezzijiet u r-rimborż tal-prodotti mediċinali fejn l-ispejjeż huma wisq għoljin għas-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-pazjenti.

1.15   Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ kriterji permezz ta’ linji gwida u l-inklużjoni ta’ definizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-proposta, iżda jinsisti li dan irid ikun konformi mal-Artikolu 168(7) tat-TFUE li jistipula li l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom u tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika, inkluż l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom.

1.15.1   Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn approċċ standardizzat rigward id-definizzjoni ta’ dawn il-kriterji bil-għan li jitwaqqfu sistemi ta’ pprezzar ibbażati fuq il-valur madwar l-Ewropa. Il-kriterji għandhom jinkorporaw il-kejl ta’ “ħtieġa medika mhux sodisfatta”, “innovazzjoni” u “benefiċċji soċjali”.

1.15.2   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ kriterji standardizzati u tipproduċi rapport dwar is-sistemi ta’ pprezzar u rimborż madwar l-Istati Membri sentejn wara l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

1.16   Il-KESE jħeġġeġ li d-deċiżjonijiet dwar iż-żidiet fil-prezzijiet, l-iffriżar tal-prezzijiet, it-tnaqqis tal-prezzijiet u kwalunkwe tip ieħor ta’ approvazzjoni tal-prezzijiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji trasparenti u oġġettivi.

1.17   Il-KESE ma jaqbilx mal-Artikolu 14 tal-Proposta (L-ebda interferenza fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali). Il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn l-approvazzjoni ta’ rimborż għal produtturi tal-mediċini u l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom.

1.18   B’konformità mal-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, biex fil-ftehimiet internazzjonali, multilaterali u bilaterali, taċċetta regoli speċjali għall-mediċini vitali, bi prezz għoli (pereżempju għall-AIDS) li japplikaw għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti.

2.   L-essenza tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Mill-adozzjoni tad-Direttiva 89/105/KEE, il-proċeduri tal-ipprezzar u r-rimborż evolvew u saru iżjed kumplessi. Din id-Direttiva qatt ma ġiet emendata sa mid-dħul fis-seħħ tagħha.

2.2   Il-proposta tistabbilixxi regoli komuni u linji gwida regolatorji bl-għan li jiġu żgurati l-effiċjenza u t-trasparenza fil-proċeduri tal-ipprezzar, il-finanzjament u rimborż.

2.3   Is-sitwazzjonijiet li ġejjin jiġu affettwati bir-reviżjoni li tinkludi:

a)

kumpaniji farmaċewtiċi, inkluż l-industrija innovattiva u l-industrija ġenerika, li għalihom l-aċċess għas-suq huwa tabilħaqq essenzjali sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u l-profitabbiltà tal-industrija;

b)

iċ-ċittadini u l-pazjenti Ewropej li jsofru l-konsegwenzi ta’ ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ farmaċewtiku u tad-dewmien fid-disponibilità tal-prodotti mediċinali.

c)

il-baġits tas-saħħa pubblika, inklużi l-iskemi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa statutorji u ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet, billi s-sistemi tal-ipprezzar u r-rimborż jinfluwenzaw l-użu tal-mediċini u l-infiq u l-iffrankar potenzjali li jistgħu jinħolqu mis-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

2.3.1   Il-Proposta ma tkoprix l-assigurazzjoni privata tas-saħħa u l-korpi pubbliċi u privati bħall-isptarijiet, l-ispiżjara l-kbar u provvedituri oħra ta’ servizzi mediċi. Il-KESE jenfasizza li d-Direttiva ma tistax tapplika biss għal parti mis-suq tal-mediċini mingħajr ma tapplika għas-suq kollu kemm hu, fl-interess ta’ sitwazzjoni kompetittiva bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u fl-interess tas-suq uniku.

2.4   Filwaqt li d-Direttiva tapplika biss għall-prodotti mediċinali, l-apparat mediku jista’ jkun soġġett għal regolazzjoni tal-ipprezzar fl-Istati Membri u/jew għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-inklużjoni tiegħu fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Minħabba problemi eżistenti f’diversi Stati Membri, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal medikazzjoni bi prezz baxx u li hija meħtieġa b’mod urġenti għall-pazjenti kollha fuq bażi ugwali, filwaqt li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ mediċini ġodda.

3.2   Il-KESE jinnota madankollu li l-bażi legali m’għandhiex tkun biss l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea iżda għandha tingħata kunsiderazzjoni adegwata wkoll għall-Artikolu 168(7) tal-istess trattat li skontu l-Istati Membri huma responsabbli mill-organizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa tagħhom u l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika, inkluż l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom.

3.3   Il-KESE jinnota li l-proċeduri ta’ pprezzar u rimborż sikwit jipproduċu dewmien żejjed u jinvolvu proċeduri amministrattivi eċċessivi (8) għall-aċċess ta’ mediċini innovattivi, orfni u ġeneriċi fis-swieq tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn is-suq nazzjonali jkun żgħir u d-dħul ta’ kumpanija fuq l-investiment ikun baxx.

3.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjoni għaż-żamma tal-Kumitat ta’ Trasparenza (Artikolu 20) iżda madankollu jissuġġerixxi li dan il-‘Grupp ta’ Esperti’ jkollu rappreżentazzjoni usa’ li tippermetti konsultazzjonijiet regolari mal-‘partijiet interessati’ sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza proċedurali fl-ipprezzar u r-rimborż għall-prodotti mediċinali.

3.5   Il-KESE jikkunsidra b’mod adatt l-iżvilupp ta’ fehim kondiviż li l-politiki tal-ipprezzar u r-rimborż jeħtieġ li jibbilanċjaw (1) aċċess f’waqtu u ġust għall-prodotti farmaċewtiċi għall-pazjenti kollha fl-UE, (2) il-kontroll tal-ispiża farmaċewtika għall-Istati Membri, u (3) il-premju għal innovazzjoni prezzjuża f’suq kompetittiv u dinamiku li jinkoraġġixxi wkoll ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

3.5.1   Il-KESE jqis li huma meħtieġa mekkaniżmi effikaċi għall-kontroll u l-infurzar tal-konformità mal-limiti ta’ żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar u r-rimborż.

3.5.2   Il-KESE jisħaq li għandu jiġi abbozzat Rapport Annwali li jagħti stampa tal-infurzar effettiv tad-Direttiva dwar it-Trasparenza billi jidentifika mekkaniżmi għall-ipprezzar u r-rimborż, u l-konformità mal-limiti ta’ żmien tad-Direttiva f’kull Stat Membru. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal metodoloġija standardizzata għall-ġbir ta’ informazzjoni għal dan ir-rapport u jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrappurtaw b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-limiti ta’ żmien (Artikolu 17) li ser jiżgura infurzar aħjar tad-Direttiva.

3.6   Skont l-Artikolu 3(5) tat-TUE l-UE għandha tagħti kontribut fl-eradikazzjoni tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha wkoll. Il-KESE jitlob għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea fil-ftehimiet internazzjonali, multilaterali u bilaterali, taċċetta regoli speċjali għall-mediċini vitali, bi prezz għoli (pereżempju għall-AIDS) li japplikaw għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Definizzjoni

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni estensiva tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet ewlenin tagħha ma jiġux kompromessi minn sistemi u politiki nazzjonali. Għalhekk, il-KESE għandu jenfasizza l-fehim li ġej tiegħu:

4.1.1   “Valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa”: il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn id-definizzjoni kif miftiehem mill-EUnetHTA (9) u jirrakkomanda li tiġi adottata.

4.1.2   “Involviment tal-partijiet interessati” tfisser l-involviment f’waqtu tal-“partijiet interessati” – inklużi l-konsulenti legali tal-pazjenti u tal-konsumaturi, id-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u l-esperti mediċi inklużi xjentisti indipendenti – matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex ikun permess id-dritt li wieħed jinstema’ kemm dwar id-disinn kunċettwali tal-valutazzjoni kif ukoll dwar it-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni.

4.1.3   “Involviment tal-pazjenti u l-konsumaturi” tfisser li l-pazjenti jieħdu rwol attiv f’attivitajiet jew deċiżjonijiet li jkun se jkollhom konsegwenzi għall-komunità tal-pazjenti, minħabba l-għarfien speċifiku u l-esperjenza rilevanti tagħhom bħala pazjenti u utenti tal-kura tas-saħħa.

4.1.4   “Kriterji oġġettivi u verifikabbli” għandhom jiġu definiti għall-għażla, il-metodi ta’ evalwazzjoni u r-rekwiżiti ta’ evidenza għall-prodotti soġġetti għall-VTS; dan jinkludi l-evitar ta’ kwalunkwe xogħol doppju li ma jkunx meħtieġ b’mod partikolari rigward il-proċedura tal-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni u għall-VTS imwettqa f’pajjiżi oħra tal-UE.

4.1.5   “Skeda ta’ żmien” għandha tiġi definita b’mod ċar: jekk il-VTS tkun prekondizzjoni għall-kontroll tal-prezzijiet skont l-Artikolu 3 u/jew l-inklużjoni f’lista pożittiva skont l-Artikolu 7, il-valutazzjoni għandha tosserva l-perjodi ta’ żmien stipulati minn dawn l-artikoli.

4.2   Ambitu

4.2.1   Il-KESE jħeġġeġ biex jiġi kkjarifikat li kull miżura marbuta mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa, inklużi r-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa, tkun koperta fl-ambitu tad-Direttiva.

4.2.2   Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li japplikaw għal miżuri li għandhom l-għan li jiddeterminaw liema prodotti mediċinali jistgħu jiġu inklużi fil-ftehimiet kuntrattwali jew fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

4.3   Approċċ iffukat fuq il-pazjent għall-aċċessibilità proċedurali

Il-KESE jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ approċċ iffukat fuq il-pazjent fid-determinazzjoni tal-aċċessibilità proċedurali u jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-kriterji li ġejjin: il-possibilità li tinkiseb mediċina fil-pajjiż tal-pazjent, ir-rimborż tal-ispejjeż assoċjati mal-amministrazzjoni tal-prodott lill-pazjent u l-intervall bejn il-ksib tal-awtorizzazzjoni tas-suq u d-dati li fihom il-prodott jiġi introdott fis-suq u jiġi rimborżat.

4.4   L-esklużjoni ta’ prodotti mediċinali mis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa

4.4.1   Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li dikjarazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli, inklużi dawk ekonomiċi u finanzjarji, għandha tiġi pprovduta għal kwalunkwe deċiżjoni li tista’ teskludi prodott mediċinali mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa, jew li timmodifika l-limitu jew il-kundizzjonijiet ta’ kopertura tal-prodott ikkonċernat.

4.4.2   Il-KESE jfaħħar il-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jaħdmu lejn approċċ standardizzat rigward id-definizzjoni ta’ dawn il-kriterji bil-għan li jitwaqqfu sistemi ta’ pprezzar ibbażati fuq il-valur madwar l-Ewropa.

4.4.2.1   Il-KESE għandu jipproponi li kriterji bħal dawn għandhom jinkorporaw il-kejl ta’ ‘ħtieġa medika mhux sodisfatta’ u ‘benefiċċji kliniċi’, u li għandhom ikunu ‘ħielsa mid-diskriminazzjoni (10).

4.5   Proċedura ta’ rimedju f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien relatati mal-inklużjoni ta’ prodotti mediċinali fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa

4.5.1   Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li rimedji effikaċi u rapidi jkunu disponibbli għall-applikant f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-proposta.

4.5.2   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-iżvilupp, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet Ewropej, reġjonali u sottoreġjonali rilevanti, ta’ modi kif il-pazjenti u l-applikanti jista’ jkollhom dritt għal appell kontra deċiżjonijiet negattivi ta’ pprezzar u rimborż quddiem korp ġudizzjarju indipendenti (is-soltu qorti).

4.5.2.1   Il-KESE għandu jħeġġeġ li korp ġudizzjarju bħal dan għandu jkollu mezzi effettivi u setgħa sħiħa ta’ analiżi kemm fuq kwistjonijiet ta’ fatti kif ukoll fuq dawk tal-liġi, inkluż mandat biex jieħu deċiżjonijiet formali kontra ksur b’sanzjonijiet proporzjonali.

4.6   Kompożizzjoni u għanijiet tal-‘Grupp ta’ Esperti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva’

4.6.1   Il-‘Grupp ta’ Esperti’ għandu jinkludi membri u prinċipalment Rappreżentanti minn:

a)

ministeri jew aġenziji governattivi tal-Istati Membri;

b)

organizzazzjonijiet tal-pazjenti u tal-konsumaturi;

c)

skemi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa statutorji u sussidjati;

d)

kontributuri tal-iskemi tal-assigurazzjoni statutorji (rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema);

e)

l-industrija farmaċewtika;

f)

il-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) kif ukoll il-President jew il-Viċi President ta’ aġenziji rilevanti;

g)

organizzazzjonijiet internazzjonali u professjonali u assoċjazzjonijiet oħra li jaġixxu fil-qasam tal-proċeduri tal-ipprezzar, il-finanzjament u r-rimborż;

h)

xjentisti indipendenti.

4.6.2   Sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-‘Grupp ta’ Esperti’ għandu:

a)

jgħin lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ, il-valutazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati tal-kejl meħuda fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

b)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE fil-qasam;

c)

jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew jissottometti rapporti lill-Kummissjoni jew fuq talba tagħha jew fuq inizjattiva tiegħu stess;

d)

jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u kwalunkwe azzjoni oħra;

e)

jipprovdi rapport pubbliku annwali tal-attivitajiet tiegħu lill-Kummissjoni.

4.7   Klassifikazzjoni tal-prodotti mediċinali fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa

4.7.1   Il-KESE jħeġġeġ li l-formazzjoni tal-gruppi tar-rimborż għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti u oġġettivi li jippermettu lill-applikanti u lill-pazjenti u l-konsumaturi jifhmu kif ikunu se jiġu ttrattati l-prodotti mediċinali.

4.7.2   Il-KESE jirrikonoxxi d-drittijiet tal-‘partijiet interessati’ li jitolbu mill-awtoritajiet kompetenti d-data oġġettiva li fuq il-bażi tagħha jkunu ddeterminaw l-arranġamenti tal-kopertura għall-prodott mediċinali tagħhom, bl-applikazzjoni tal-kriterji u l-metodoloġiji.

4.7.3   Il-KESE jitlob li d-detenturi tal-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet rapprreżentattivi tal-pazjenti u l-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu fi żmien adatt qabel l-inklużjoni tal-mediċini fi grupp partikolari ta’ rimborż u għandu jkollhom id-dritt li jappellaw, meta jkun xieraq, il-formazzjoni ta’ grupp ta’ rimborż quddiem korp indipendenti għal reviżjoni.

4.8   Mediċini ġeneriċi

4.8.1   Il-KESE jenfasizza li l-approvazzjoni tal-prezz ta’ prodotti mediċinali ġenereċi u l-kopertura tagħhom mis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa m’għandhomx jesiġu għal kull każ valutazzjoni ġdida jew dettaljata meta l-prodott ta’ referenza diġà ġie pprezzat u inkluż fis-sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa, u l-valutazzjoni saret mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

4.8.2   Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li tnaqqis fil-limiti ta’ żmien għal 30 jum għall-prodotti mediċinali ġeneriċi li jkopru kemm il-proċessi ta’ pprezzar kif ukoll ta’ rimborż għandhom jiżguraw aċċess għas-suq iktar bikri għal pazjenti fl-Istati Membri u jistimolaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet tas-swieq mhux imħarsa minn privattivi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara t-telf tal-esklussività tal-prodotti oriġinaturi, il-KESE josserva li għalkemm il-kontrolli mediċi tal-prodotti ġeneriċi jieħdu inqas żmien minn dawk għall-prodotti ġodda, xorta jridu jsiru l-ipprezzar u n-negozjati tal-prezzijiet.

4.9   L-approvazzjoni tal-prezz

Il-KESE jitlob li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-applikant b’riċevuta uffiċjali, fi żmien massimu ta’ 10 ijiem wara li tkun tressqet mill-applikant l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-prezz ta’ prodott. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-prezz tal-prodott tista’ tiġi introdotta mill-applikant hekk kif tingħata l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni jew immedjatament wara l-opinjoni pożittiva mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

4.10   L-iffriżar tal-prezzijiet u t-tnaqqis tal-prezzijiet

4.10.1   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri sabiex iwettqu analiżi, mill-inqas darba f’sena, sabiex jaċċertaw jekk il-kundizzjonijiet makroekonomiċi jiġġustifikawx jew le li l-iffriżar jitkompla mingħajr tibdil. Fi żmien 60 jum mill-bidu ta’ din ir-reviżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iħabbru liema tnaqqis u żidiet fil-prezzijiet se jkunu applikati. Fil-każ li jkun hemm, għandhom jippubblikaw dikjarazzjoni fejn jistqarru r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli.

4.10.2   Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex regolarment jirrivedu l-prezzijiet u r-rimborż tal-prodotti mediċinali li jinvolvu spejjeż konsiderevoli għas-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-pazjenti. Fi żmien adatt mill-bidu ta’ din ir-reviżjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw jekk huwiex awtorizzat it-tnaqqis fil-prezzijiet u fil-każ li iva, liema. Fil-każ li jkun hemm, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw dikjarazzjoni fejn jistqarru r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni abbażi ta’ kriterji oġġettivi u verifikabbli (inklużi dawk ekonomiċi u finanzjarji).

4.10.3   Il-KESE jissuġġerixxi lill-Kummissjoni biex timmonitorja s-sitwazzjoni fejn l-Istati Membri qed jirċievu għajnuna finanzjarja filwaqt li għandhom jiggarantixxu li l-mediċini intenzjonati għal użu fil-pajjiż ma jiġux esportati għal Stati Membri oħra.

4.11   Żieda fil-prezz

4.11.1   Il-KESE jenfasizza li żieda fil-prezz ta’ prodott mediċinali hija permessa biss wara li tkun inkisbet approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti inklużi l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti.

4.11.2   Il-KESE għandu jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li d-drittijiet għal proċess ġust jiġu inklużi għall-partijiet interessati rilevanti kollha u jkopru bħala minimu: (i) id-dritt li wieħed jinstema’, (ii) dritt għal aċċess għall-fajl amministrattiv, inklużi evidenza xjentifika u rapporti rilevanti, u (iii) dritt li tinkiseb deċiżjoni motivata.

4.11.3   Il-KESE jissuġġerixxi li awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-applikant b’riċevuta uffiċjali, fi żmien massimu ta’ 10 ijiem wara li tressqet minn Stati Membru applikazzjoni biex jiżdied il-prezz tal-prodott.

4.12   Miżuri mil-lat tad-domanda

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tikkjarifika miżuri li għandhom l-għan li jikkontrollaw jew jippromovu l-preskrizzjoni ta’ prodotti mediċinali speċifiċi koperti mid-Direttiva dwar it-Trasparenza, u jissuġġerixxi li dawn is-salvagwardji proċedurali jitwessgħu għall-miżuri kollha li għandhom l-għan li jikkontrollaw jew jippromovu l-preskrizzjoni ta’ prodotti mediċinali.

4.13   Prova addizzjonali ta’ kwalità, sigurtà, effikaċja jew bijoekwivalenza

B’mod ġenerali, fil-qafas tad-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar u r-rimborż, l-Istati Membri m’għandhomx jivvalutaw mill-ġdid l-elementi li tkun ibbażata fuqhom l-awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, inklużi dawk tal-kwalità, is-sigurtà jew l-effikaċja tal-prodott mediċinali (inkluż prodotti mediċinali orfni) u informazzjoni oġġettiva fil-qafas tal-kollaborazzjoni Ewropea dwar il-VTS.

4.14   Proprjetà intellettwali

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma ta’ importanza partikolari biex titħeġġeġ l-innovazzjoni farmaċewtika u biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE. Huwa ma jilqax l-Artikolu 14 tal-Proposta (L-ebda interferenza fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) li jgħid li: “Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhiex tkun raġuni valida biex jiġu rrifjutati, sospiżi jew irrevokati deċiżjonijiet marbuta mal-prezz ta’ prodott mediċinali jew mal-inklużjoni tiegħu fis-sistema pubblika tal-assigurazzjoni tas-saħħa”. Il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn l-approvazzjoni ta’ rimborż għal produttur tal-mediċini u l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom. M’għandux ikun hemm interferenza fil-kompetenza ta’ Stat Membru biex jivvaluta l-innovazzjoni u jiżgura infurzar adatt tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Minkejja t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa u l-kura tas-saħħa baqgħu fost l-ewwel ħames kwistjonijiet ta’ tħassib għall-UE fl-Ewrobarometri tal-2009 (pereżempju Nru 71 rebbiegħa 2009, Nru 72 ħarifa 2009). Ara pereżempju: http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb72/eb72_en.htm.

(2)  Mackenbach JP, Meerding WJ, Kunst AE.: Economic implications of socioeconomic inequalities in health in the European Union. European Commission, Lulju 2007.

(3)  Il-WHO tqis iż-żieda fil-mard kroniku bħala epidemija u tistima li din l-epidemija se tiswa l-ħajja ta’ 52 miljun persuna fir-Reġjun Ewropew sal-2030. Sors: http://ec.europa.eu/health/interest_groups/docs/euhpf_answer_consultation_jan2012_en.pdf.

(4)  Rapport dwar l-Inkjesta fis-Settur Farmaċewtiku: http://ec.europa.eu/competition/sectors/pharmaceuticals/inquiry/index.html.

(5)  Kanavos P, Schurer WS, Vogler S.: Structure of medicines distribution in EU-27 and its impact on prices, availability and on the efficiency of medicines provision (L-istruttura tad-distribuzzjoni tal-mediċini fl-UE-27 u l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet, id-disponibilità u fuq l-effiċjenza tal-provvista ta’ mediċini). Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ għall-Intrapriża u EMINet. Jannar 2011.

(6)  Inkjesta fis-Settur Farmaċewtiku, Rapport Finali, 8 ta’ Lulju 2009. Studji differenti, bħal pereżempju l-istudju Alcimed jew l-Inkjesta Farmaċewtika tal-UE, jikkonfermaw din il-varjazzjoni fl-aċċess. In-netwerks ta’ referenza Ewropej bejn ċentri ta’ kompetenza huwa mod kif tista’ titnaqqas din il-varjazzjoni fl-aċċess.

(7)  Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi li l-limitu ta’ żmien huwa obbligatorju u li l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex intitolati li jaqbżuh [1] Merck Sharp & Dohme B.V. vs. l-Istat Belġjan (C-245/03).

(8)  Studju ta’ monitoraġġ tas-suq farmaċewtiku, Volum I, p. 83.

(9)  L-EUnetHTA tuża din id-definizzjoni: Il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa hija proċess multidixxiplinarju li jissintesizza t-tagħrif dwar kwistjoniijiet mediċi, soċjali, ekonomiċi u etiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija tas-saħħa b’mod sistematiku, trasparenti, mhux preġudikat u b’mod qawwi. L-għan tagħha huwa li tinforma l-formolazzjoni ta’ politiki tas-saħħa sikuri u effettivi li jiffokaw fuq il-pazjent u jfittxu biex jiggwadanjaw l-aqwa valur, disponibbli fuq http://www.eunethta.eu/Public/About_EUnetHTA/HTA/.

(10)  Il-Każ C-181/82 Roussel Laboratoria [1983] Ġabra 3849; Il-Każ 238/82 Duphar u Oħrajn [1984] Ġabra 523.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

1.   L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 4.5.2.1

4.5.2.1

Il-KESE għandu jħeġġeġ li korp ġudizzjarju bħal dan għandu jkollu mezzi effettivi u setgħa sħiħa ta’ analiżi kemm fuq kwistjonijiet ta’ fatti kif ukoll fuq dawk tal-liġi, inkluż mandat biex jieħu deċiżjonijiet formali kontra ksur b’sanzjonijiet proporzjonali.

Raġuni

M’hemmx bżonn spjegazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

71

Kontra

:

89

Astensjonijiet

:

19

b)   Punt 1.11.2

Ibdel it-test kif ġej:

“1.11.2

Il-KESE jqis li huma meħtieġa mekkaniżmi għall-kontroll u l-infurzar tal-konformità mal-limiti ta’ żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar u r-rimborż. ”

Raġuni

Ara l-emenda għall-punt 4.5.2.1.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

71

Kontra

:

89

Astensjonijiet

:

19

2.   Dawn il-punti tal-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 4.2.1

“4.2.1

Il-KESE jħeġġeġ biex jiġi kkjarifikat li kull miżura marbuta mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jiġi inkluż it-tilqim fis-sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa tkun koperata fl-ambitu tad-Direttiva.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

79

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

47

b)   Punt 4.5.2.2

“4.5.2.2

Il-KESE għandu jinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ approvazzjoni ta’ rimborż awtomatiku f’każ ta’ nuqqas li jintlaħqu d-dati tal-għeluq.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

90

Kontra

:

73

Astensjonijiet

:

22

c)   Punt 4.14

“4.14   Proprjetà intellettwali

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huma ta’ importanza partikolari biex titħeġġeġ l-innovazzjoni farmaċewtika u biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tal-UE. M’għandux ikun hemm interferenza fil-kompetenza ta’ Stat Membru biex jivvaluta l-innovazzjoni u jiżgura infurzar adatt tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

53

Kontra

:

35

Astensjonijiet

:

5

d)   Punt 1.12

“1.12

Il-KESE jilqa’ l-limiti ta’ żmien ta’ 120 jum proposti mill-Kummissjoni u jissuġġerixxi li sabiex jiġi semplifikat dejjem iżjed l-aċċess tal-pazjenti għall-mediċini, l-istess limiti ta’ żmien għandhom jiġu applikati għall-mediċini innovattivi kollha, kemm jekk soġġetti jew jekk le għall-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (VTS) nazzjonali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

73

Kontra

:

41

Astensjonijiet

:

6


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissimplifika t-trasferiment tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku”

COM(2012) 164 final — 2012/0082 (COD)

2012/C 299/16

Relatur Ġenerali: is-Sur PÁSZTOR

Nhar l-24 ta’ April 2012 u nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jissimplifika t-trasferiment tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru ieħor fi ħdan is-Suq Uniku

COM(2012) 164 final – 2012/0082 (COD)

Nhar l-24 ta’ April 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sur PÁSZTOR bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni unanimament.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-għanijiet tal-Kummissjoni u jappoġġja l-idea li jintuża regolament biex jiġu stabbiliti regoli għar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur li diġà ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor. Dan jikkonforma kemm mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ “Ewropa taċ-ċittadini”. Fl-istess waqt, il-KESE jinsab diżappuntat li ma kienx possibbli li tiġi introdotta reġistrazzjoni uniformi tal-UE, kif kien ippjanat inizjalment. Il-Kumitat iqis li dan ser ikun indispensabbli fil-perjodu fit-tul.

1.2.

B'riżultat tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-KESE jistenna li r-reġistrazzjoni ta’ vetturi f'pajjiż ieħor tkun sempliċi bħal ma hu l-każ tar-reġistrazzjoni mill-ġdid fl-istess pajjiż mingħajr spejjeż addizzjonali u spezzjonijiet u dokumenti mhux meħtieġa. Ħlief meta l-informazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx valida, il-pajjiżi l-oħra ma jistgħux jitolbu li jitwettqu proċeduri amministrattivi addizzjonali, ineffiċjenti u li jiswew il-flus, bħal pereżempju kontrolli tekniċi tal-vetturi. Barra minn hekk, l-ispiża tar-reġistrazzjoni transkonfinali m'għandhiex tkun aktar mill-ispiża tar-reġistrazzjoni domestika.

1.3

Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li r-Regolament ma jirrekjedix li ċ-ċittadini jiksbu data jikkostitwixxi suċċess ewlieni. Nittamaw li r-rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw id-data jkollu impatt fuq il-kooperazzjoni f'oqsma aktar importanti oħra, u b'hekk jiġu appoġġjati b'mod effettiv il-valuri Ewropej u l-interessi komuni.

1.4

Il-KESE japprezza l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tipprovdi valutazzjoni ex-post fir-Regolament stess. Fl-istess waqt, jappella biex il-perjodu ta’ reviżjoni jiqsar minn erba' snin għal sentejn.

2.   L-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni daħlet għal kompitu kbir bl-impenn tagħha li tissemplifika t-trasferiment tal-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru għal Stat Membru ieħor permezz ta’ regolament. Fil-fatt, sal-lum il-ġurnata, il-leġislazzjonijiet biex jiġu kkoordinati l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi saru biss fil-forma ta’ direttiva (1999/37/KE). Miżuri oħra ta’ armonizzazzjoni – li huma mixtieqa fid-dawl tas-Suq Uniku – ħadu l-forma ta’ regoli ta’ spjegazzjoni, u għalhekk kellhom biss impatt limitat fil-livell tal-Istati Membri.

2.2

Hija u tfassal l-abbozz ta’ Regolament, il-Kummissjoni mhux biss kellha tikkunsidra dawn il-punti izda wkoll il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (1) u l-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali (2).

2.3

Fid-dawl tal-bżonnijiet tas-Suq Uniku, l-abbozz ta’ Regolament għalhekk:

għandu l-għan li jarmonizza r-regoli dwar il-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru iżda li regolarment jintużaw f'pajjiż ieħor, inkluż il-muturi u l-mopeds (3). Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ma jinkludix il-vetturi bil-mutur irreġistrati f'pajjiżi terzi;

jistipula li r-reġistrazzjoni mill-ġdid hija meħtieġa biss għal żjara ta’ aktar minn sitt xhur. Dan jiddependi minn bidla fil-post ta’ residenza tas-soltu, jiġifieri ċ-ċentru ewlieni ta’ interessi kummerċjali jew rabtiet personali;

sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċifiċi, jipprojbixxi r-rekwiżit għal kontolli fiżiċi (kontrolli tekniċi tal-vetturi). Kontroll fiżiku jista'jitwettaq biss jekk l-informazzjoni dwar ir–reġistrazzjoni ma tkunx kompluta jew kontradittorja, jekk ikun hemm suspett ta’ att kriminali, dannu gravi jew bidla fis-sjieda. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kontroll tekniku tal-vetturi li jkun sar fil-pajjiż tal-oriġni għandu jiġi aċċettat bħala validu;

ikopri r-regoli meħtieġa għal approċċ uniformi fis-Suq Uniku fir-rigward ta’ reġistrazzjonijiet temporanji u professjonali.

jarmonizza l-kummerċ transkonfinali u t-trasferiment tas-sjieda ta’ karozzi użati – esklużi l-pajjiżi terzi.

2.4

L-abbozz ta’ Regolament jirrikjedi li l-awtoritajiet jiksbu data preċedenti tar-reġistrazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Hawnhekk tissemma' l-possibbiltà li jintużaw żviluppi reċenti fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Bil-għan li jiġi garantit skambju ta’ informazzjoni bla xkiel, ir-Regolament jirrikjedi li l-awtoritajiet nazzjonali jużaw software li jippermetti lill-awtoritajiet fi Stati Membri oħra jaċċessaw id-data filwaqt li jeskludi l-aċċess mhux awtorizzat permezz ta’ fajls kriptati tat-tip xml. L-informazzjoni għandha tiġi skambjata f'ħin reali fi pjattaforma onlajn; l-ispejjeż tal-iżvilupp tas-software jinġarrbu mill-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kummissjoni ser toħloq bażi tad-data pubblika bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni ser tiżgura wkoll l-iżvilupp kontinwu tas-sistema tal-IT permezz tal-possibbiltà legali tad-delega.

2.5

L-abbozz ta’ Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet stretti li jekk ma jiġux rispettati r-reġistrazzjoni tiġi rifjutata. Imbagħad l-applikanti għandhom id-dritt li jappellaw fi żmien xahar mir-rifjut.

2.6

Fl-abbozz ta’ Regolament, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tanalizza l-impatt tar-Regolament wara erba' snin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jaqbel mal-għanijiet tal-Kummissjoni u jappoġġja l-idea li jintuża regolament biex jiġu stabbiliti regoli għar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur li diġà ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor. Dan jikkonforma kemm mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ “Ewropa taċ-ċittadini”. Fl-istess waqt, il-proposta tqis l-esperjenza prattika tal-burokrazija, li fin-natura tagħha, tagħti preċedenza lill-konvenzjonijiet u l-konvenjenza għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet żgħar aktar milli tipprova tadatta għall-għanijiet strateġiċi.

3.1.1.

Madankollu, il-KESE jinsab diżappuntat li ma kienx possibbli li tiġi introdotta reġistrazzjoni uniformi tal-UE, kif kien ippjanat inizjalment. Il-Kumitat iqis li dan ser ikun indispensabbli fil-perjodu fit-tul.

3.1.2.

Il-KESE jqis li reġistrazzjoni uniformi ma ddgħajjifx il-ħtiġijiet tad-dħul finanzjarju tal-Istati Membri peress li l-miżati tar-reġistrazzjoni jistgħu jiġu rkuprati fi ħdan is-sistema. Fl-istess waqt, reġistrazzjoni uniformi tkun aktar trasparenti u traċċabbli.

3.2

Il-KESE jqis li fl-abbozz ta’ Regolament jittieħed approċċ adatt għall-problemi bażiċi u li jimplimenta r-regoli proċedurali adatti biex jiġu identifikati u jingħelbu t-theddid potenzjali għall-klijenti u l-awtoritajiet. Għaldaqstant intgħażel approċċ ibbilanċjat għall-ġestjoni tar-riskju aktar milli attenzjoni burokratika eċċessiva.

3.3

L-abbozz ta’ test jindirizza b'mod adatt il-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali filwaqt li jikkunsidra l-interessi tas-suq tal-vetturi bil-mutur użati (second-hand).

3.4

B'riżultat tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-KESE jistenna li r-reġistrazzjoni ta’ vetturi f'pajjiż ieħor tkun sempliċi bħal ma hu l-każ tar-reġistrazzjoni mill-ġdid fl-istess pajjiż mingħajr spejjeż addizzjonali u spezzjonijiet u dokumenti mhux meħtieġa. Ħlief meta l-informazzjoni ma tkunx kompluta jew ma tkunx valida, il-pajjiżi l-oħra ma jistgħux jitolbu li jitwettqu proċeduri amministrattivi addizzjonali, ineffiċjenti u li jiswew il-flus, bħal pereżempju kontrolli tekniċi tal-vetturi. Barra minn hekk, l-ispiża tar-reġistrazzjoni transkonfinali m'għandhiex tkun aktar mill-ispiża tar-reġistrazzjoni domestika.

3.5

Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li r-Regolament ma jirrekjedix li ċ-ċittadini jiksbu data jikkostitwixxi suċċess ewlieni. Nittamaw li r-rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw id-data jkollu impatt fuq il-kooperazzjoni f'oqsma aktar importanti oħra, u b'hekk jiġu appoġġjati b'mod effettiv il-valuri Ewropej u l-interessi komuni.

3.6

Il-KESE jqis li fil-perjodu fit-tul, ma jagħmilx sens li tinżamm reġistrazzjoni temporanja u professjonali. Din tal-aħħar hija sempliċement soluzzjoni temporanja. Fl-istess waqt ikun kontradittorju li l-vetturi li ma jkunux konformi jkollhom awtorizzazzjoni limitata u li f'xi każijiet jistgħu saħansitra jivvjaġġaw fuq distanzi itwal minn pajjiż għal ieħor. Minflok, tali vetturi għandhom jiġu trasportati jew, jekk il-kundizzjonijiet tekniċi tagħhom jippermettu dan, jistgħu jingħataw awtorizzazzjoni temporanja. Fl-istess waqt, jagħmel sens li vetturi b'reġistrazzjoni temporanja jiġu projbiti milli jittrasportaw il-merkanzija u l-passiġġieri.

3.7

Il-KESE jilqa' l-iffrankar ta’ EUR 1,5 biljun għall-individwi u l-kumpaniji. Il-Kumitat jirrikonoxxi wkoll li l-ispiża annwali ta’ EUR 1,5 miljun tar-Regolament ser ikollha biss impatt minimu fuq il-baġit tal-UE. Fl-istess waqt, għandu jiġi nnutat li r-Regolament ser ikollu jitħallas mill-baġits nazzjonali u fl-interess taċ-ċarezza totali jagħmel sens li tiġi provduta stima tat-total.

3.8

Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa b'rabta mal-kwistjonijiet tekniċi u ta’ kontenut tad-data involuti fit-tħaddim tas-sistema fil-livell Ewropew, kif ipprovdut fl-abbozz ta’ Regolament.

3.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet – il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni – jikkunsidraw li jippermettu li wħud mill-ispejjeż inizjali jew l-ispejjeż inizjali kollha ta’ reġistrazzjoni ta’ klijent jiġu kkunsidrati meta vettura terġa' tiġi reġistrata, ħlief fil-każ ta’ reġistrazzjoni mill-ġdid minħabba bidla fis-sjieda.

3.10

Il-KESE japprezza l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tipprovdi valutazzjoni ex-post fir-Regolament stess. Fl-istess waqt, jappella biex il-perjodu ta’ reviżjoni jiqsar minn erba' snin għal sentejn.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Kemm fir-rigward tad-dettalji tiegħu kif ukoll b'mod ġenerali, Il-KESE jqis li, fil-forma attwali tiegħu, l-abbozz ta’ Regolament jissodisfa l-istennijiet.

4.2

Il-KESE jappoġġja l-impenji biex il-proċeduri tar-reġistrazzjoni jiġu bbażati fuq data dwar l-approvazzjoni tat-tip għal vettura sħiħa (Whole Vehicle Type Approval) kif tintuża fl-iskema taċ-Ċertifikat ta’ Konformità. Għalkemm din id-data hija aktar dettaljata minn dik mitluba fl-Anness 1, hija aċċettata internazzjonalment u l-proċeduri ta’ reġistrazzjoni f'bosta Stati Membri diġà huma bbażati fuqha.

4.3

Apparti d-data teknika provduta mill-manifatturi, il-valuri reali bbażati fuq l-aktar kontrolli uffiċjali reċenti għandhom jiġu inklużi wkoll, pereżempju b'rabta mal-emmissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Direttiva 95/46/EC (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31–50) u Regolament 45/2001/EC (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1–22) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/919/KE (ĠU L 389, 30.12.2004, p. 28) (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Direttiva 2002/24/KE (ĠU L 124, 9.5.2002, p. 1–44) (mhux disponibbli bil-Malti).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil — Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka”

COM(2011) 835 final

2012/C 299/17

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka

COM(2011) 835 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'116-il vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jqis li l-politika Ewropea dwar l-ażil jeħtieġ li terġa' tiġi diskussa u emendata.

1.2

Il-Kumitat iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jibqa' l-pedament ta’ din il-politika minkejja l-fatt li n-numru u d-daqs tal-Istati Membri kif ukoll il-varjazzjoni f'kemm huma esposti għal flussi ta’ refuġjati joħolqu diversità li tikkumplika l-politika dwar l-ażil. Is-solidarjetà m'għandhiex titqies biss bħala prinċipju li jsaħħaħ l-effikaċja tal-politika iżda bħala valur fundamentali li jiġġustifika u jsaħħaħ il-miżuri li jittieħdu.

1.3

Jeħtieġ li tingħata spinta sabiex jiġi żgurat li l-opinjoni pubblika, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi jappoġġjaw il-valuri bażiċi tal-politika dwar l-ażil, jiġifieri r-rispett tad-drittitijiet fundamentali tal-bniedem, l-għajnuna lil nies f'sitwazzjonijiet kritiċi, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri.

1.4

Il-Kumitat jikkunsidra li approċċ ibbażat fuq l-inċentivi jista' jgħin sabiex il-politika dwar l-ażil taħdem mingħajr xkiel sakemm l-iktar inċentivi adegwati jiġu identifikati u appoġġjati tajjeb inkluż l-appoġġ finanzjarju.

1.5

Fir-rigward tal-kooperazzjoni prattika, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO – European Asylum Support Office) jiżviluppa b'mod iktar rapidu l-kapaċità operattiva tiegħu. It-titjib tal-kapaċità tal-EASO huwa urġenti u neċessarju u għandu jiġi koordinat mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil.

1.6

Il-Kumitat jitlob ukoll li jittejbu l-miżuri tal-integrazzjoni tar-refuġjati. Minkejja li hu ċar li s-sistema Ewropea tal-ażil li nixtiequ nibnu hija effiċjenti sabiex l-istatus ta’ refuġjat jingħata malajr u b'mod korrett, din tista' tkun dgħajfa fil-qasam tal-integrazzjoni.

1.7

Flimkien mal-istruttura transversali li teżisti, jeħtieġ li l-politika dwar l-ażil titqies fid-dawl taċ-ċiklu sħiħ tal-ażil li jpoġġi lin-nies li jinsabu f'riskju fil-qalba tal-azzjoni tiegħu. B'dan il-mod jistgħu jiġu identifikati l-ostakli u l-inkoerenzi.

1.8

Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà ma japplikax biss bejn l-Istati, iżda huwa prinċipju ġenerali li fuqu jistrieħu l-interazzjonijiet umani bejn il-persuni u l-gruppi. L-ispirtu tas-solidarjetà bejn il-bnedmin għandu jiġi kkultivat u mħeġġeġ, lil hinn mill-argumenti razzjonali u l-pressjoni tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, bħala parti integrali tal-valuri li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

1.9

L-esperjenza miksuba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Kumitat f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għal valutazzjoni iktar komprensiva u dettaljata tal-politika dwar l-ażil.

2.   Daħla

2.1

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipreċiża li s-“solidarjetà hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kienet prinċipju ta’ gwida tal-Politika Ewropea Komuni dwar l-Ażil […]. Issa hija mnaqqxa fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

2.2

Kif tenfasizza l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni il-flussi ta’ dawk li jfittxu l-ażil “varjaw minn 425 000 applikazzjoni, li kienet l-ogħla livell għall-Istati tal-UE-27 fl-2001, sa taħt l-200 000 applikazzjoni fl-2006, b'żieda kbira mistennija [fl-2011]”.

2.3

Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ is-solidarjetà fi ħdan l-UE fil-qasam tal-ażil madwar erba' punti kruċjali: “il-koperazzjoni prattika u l-assistenza teknika, is-solidarjetà finanzjarja, l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, u t-titjib tal-għodda għall-governanza tas-sistema tal-ażil”.

2.4

Din il-Komunikazzjoni “timmira wkoll biex tikkontribwixxi għall-iffinalizzar tal-“pakkett tal-ażil” peress li l-ftit xhur li ġejjin se jkun kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-2012, li għalih id-dimensjoni tas-solidarjetà trid tagħmel il-parti tagħha.”

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jqis neċessarju li l-politika Ewropea dwar l-ażil tiġi analizzata fid-dettall sabiex ikunu jistgħu jsiru bidliet sostanzjali fid-dawl tal-għanijiet tagħha.

3.2

Il-politika dwar l-ażil qed tiġi interrogata fi ħdan l-UE fid-dawl tal-avvenimenti politiċi reċenti fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani u fil-Lvant Imbiegħed. Bosta nies kellhom jipproteġu ruħhom billi jaħarbu lejn l-Istati Membri tal-UE.

3.3

Il-Kumitat iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jibqa' l-pilastru fundamentali ta’ din il-politika minkejja l-fatt li n-numru u d-daqs tal-Istati Membri kif ukoll il-varjazzjoni f'kemm huma esposti għal flussi ta’ refuġjati b'mod ġenerali jagħmluha diffiċili li s-solidarjetà titpoġġa fil-prattika u tiġi kkoordinata.

3.4

Is-sistema tal-ażil għandha tkun flessibbli sabiex tkun tista' tkampa mal-varjazzjonijiet fil-flussi tar-refuġjati iżda hija għandha tkun ukoll stabbli sabiex il-proċeduri istituzzjonali u l-miżuri l-oħra tal-integrazzjoni jkun jista' jkollhom riżultati tanġibbli.

3.5

Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà ma japplikax biss bejn l-Istati, iżda huwa prinċipju ġenerali li fuqu jistrieħu l-interazzjonijiet umani bejn il-persuni u l-gruppi. L-ispirtu tas-solidarjetà bejn il-bnedmin għandu jiġi kkultivat u mħeġġeġ, lil hinn mill-argumenti razzjonali u l-pressjoni tal-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, bħala parti integrali tal-valuri li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

3.6

Il-Kumitat jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-fiduċja. Il-prinċipju tas-solidarjetà huwa ssupplimentat mill-prinċipju tal-fiduċja u b'hekk l-Isati Membri għandhom iktar responsabbiltà. Is-suċċess ta’ din il-politika jiddependi minn kemm kull Stat Membri jaqdi r-rwol tiegħu billi jieħu r-responsabbiltà għal biċċa mix-xogħol u jappoġġja l-isforzi tal-oħrajn. L-azzjoni ta’ kull Stat Membru tiddependi minn dik tal-Istati Membri l-oħra u dan jirrifletti l-bżonn ta’ azzjoni kuraġġuża favur il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni.

3.7

Madanakollu l-Kumitat jirrimarka li l-politika dwar l-ażil hija 'l bogħod milli tkun msaħħa u effikaċji. Jeżistu bosta disparitajiet bejn l-Istati Membri f'termini ta’ ftuħ u preparazzjoni fir-rigward tal-akkoljenza tar-refuġjati kif ukoll fejn jidħol l-iżvilupp Ewropew ta’ politika dwar l-ażil. Jeħtieġ li tingħata spinta kbira sabiex jiġi żgurat li l-opinjoni pubblika, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet jappoġġjaw il-valuri bażiċi tal-politika dwar l-ażil: ir-rispett tad-drittitijiet fundamentali, l-għoti ta’ għajnuna lil persuni f'sitwazzjoni kritika, is-solidarjetà u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-politika tingħata iktar attenzjoni. Sitwazzjonijiet speċifiċi wrew li dawk li jfittxu l-ażil huma vulnerabbli kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom kif ukoll fil-pajjiżi ospitanti.

3.8

Is-soċjetà ċivili organizzata, li ħafna drabi titkellem permezz tal-Kumitat, ġibdet l-attenzjoni lejn id-dgħjufijiet tal-politika dwar l-ażil fejn jidħlu strateġija, struttura u implimentazzjoni u ħejjiet bosta rakkomandazzjonijiet sabiex din tittejjeb It-tibdil li sar s'issa fl-oqsma tal-armonizzazzjoni, il-finanzjament ta’ programmi speċjalizzati jew ir-riformi istituzzjonali għadu ma rnexxilux isaħħaħ il-politika komuni dwar l-ażil. Din il-politika teħtieġ riforma u l-Kumitat jerġa' jisħaq fuq l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi f'dan il-proċess.

3.9

Il-Kumitat jemmen li wasal iż-żmien li jiġu implimentati l-prinċipji tas-solidarjetà u tal-fiduċja b'mod iktar b'saħħtu. B'mod speċifiku huwa jipproponi żewġ linji komplimentari ta’ azzjoni. L-ewwel waħda għandha l-għan li tbiddel il-fehmiet u l-attitudnijiet lejn il-fenomenu tal-ażil fil-perjodu medju u twil b'mod partikolari fost dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet, dawk li jfasslu l-politika u l-impjegati ċivili fil-livell lokali u nazzjonali.

3.10

It-tieni waħda hija l-ħidma li diġà qed issir iżda li għandha tiġi struttrata u formulata aħjar. Din tikkonsisti fit-tisħiħ tal-prinċipji tas-solidarjetà u tal-fiduċja permezz ta’ mekkaniżmi istituzzjonali li jippromovu l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi jista' jgħin sabiex il-politika dwar l-ażil taħdem mingħajr xkiel sakemm jiġu identifikati u appoġġjati tajjeb l-iktar inċentivi adegwati, inkluż l-appoġġ finanzjarju.

3.11

Il-Kumitat jitlob ukoll li jittejbu l-miżuri tal-integrazzjoni tar-refuġjati. L-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam taw bosta evidenza li dawk li qed ifittzu l-ażil huma vulnerabbli għad-diskriminazzjoni, m'għandhomx aċċess għas-servizzi pubbliċi bażiċi, huma ffaċjati minn problemi ta’ akkomodazzjoni u jsibuha diffiċli jassiguraw is-sigurtà personali. Minkejja l-proċeduri effiċjenti sabiex l-istatus ta’ refuġjat jingħata malajr u b'mod korrett, is-sistema Ewropea tal-ażil li qed nimmiraw li nibnu tista' tkun dgħajfa fil-qasam tal-integrazzjoni.

3.12

F'dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li flimkien mal-istruttura transversali li teżisti, il-politika dwar l-ażil għandha tiġi analizzata fid-dawl taċ-“ċiklu” sħiħ tal-ażil li jsegwi t-triq tal-persuni f'riskuu minn meta jidħlu fit-territorju tal-UE u l-proċeduri ta’ applikazzjoni li jridu jgħaddu minnhom inklużi l-miżuri ta’ integrazzjini u l-prospetti fuq perjodu medju u fit-tul tal-integrazzjoni jew ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini, skont il-każ. It-tfassil tal-politika, billi jiġi segwit iċ-“ċiklu” tal-ażil u billi l-persuni f'sitwazzjoni kritika jitpoġġew fil-qalba tal-azzjoni, jista' jagħti kontribut kbir sabiex jiġu identifikati l-ostalkli u l-inkoerenzi.

3.13

L-esperjenza miksuba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-Kumitat f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għal valutazzjoni iktar komprensiva u dettaljata tal-politika dwar l-ażil, li qed tinxteħet f'dubju minħabba l-avvenimenti politiċi reċenti f'pajjiżi qrib tal-UE. Il-Kumitat huwa tal-fehna li hemm bżonn ta’ kunsiderazzjoni iktar ċara tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.14

Il-Kumitat jilqa' wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil tal-politika dwar l-ażil u jqis li r-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali huwa importanti ħafna sabiex din il-politika tkun ta’ suċċess b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ integrazzjoni. Hemm bżonn li dawn l-awtoritajiet jitħeġġu, b'mod partikolari permezz ta’ miżuri attivi ta’ finanzjament, sabiex jaqdu rwol iktar importanti fl-integrazzjoni tar-refuġjati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-aspetti relatati mal-kooperazzjoni prattika. Flimkien mal-bidliet (neċessarji) ippjanati għall-pakkett leġistlattiv, il-kooperazzjoni prattika ser issolvi l-problemi fil-proċeduri tal-ażil. It-titjib li jsir fil-kooperazzjoni prattika għandu jimmira li jnaqqas il-burokrazija fl-għoti tal-ażil u jnaqqas it-tul ta’ żmien li jieħdu dawn il-proċeduri.

4.1.1

Il-ħolqien tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO) huwa approċċ ta’ min ifaħħru u minkejja li għadu fi stadju bikri, juri li hemm potenzjal kbir għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. L-EASO beda jiffoka b'mod partikolari fuq l-appoġġ u t-taħriġ. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-EASO jagħmel progress iktar rapidu sabiex jiżviluppa l-kapaċità operattiva tiegħu. It-titjib tal-kapaċità tal-EASO huwa urġenti u neċessarju u għandu jkun ikkoordinat mal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil. L-iskjerament tal-persunal u t-twettiq ta’ interventi ta’ emerġenza jistgħu jgħollu l-profil ta’ dan l-uffiċċju kif ukoll il-fiduċja fih. Ir-rapport annwali ppjanat jista' jgħin sabiex tinkiseb data rilevanti dwar l-ażil. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rapport annwali jinkorpora n-numru ta’ evidenza li tista' tingħata mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam.

4.1.2

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-EASO li b'mod mgħaġġel jiżviluppa s-sistema tiegħu tal-ġbir tal-informazzjoni mill-pajjiż tal-oriġni tal-immigranti. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri li f'ħin tajjeb ikollhom informazzjoni affidabbli u paragunabbli, sabiex jitħaffef il-proċess billi jsir aktar rapidu u eventwalment aktar ġust. Bl-istess mod hemm bżonn li tiġi pprovduta valutazzjoni ta’ din l-informazzjoni fuq bażi indipendenti.

4.1.3

Minkejja li t-tisħiħ tal-EASO huwa inizjattiva tajba, dan m'għandux iżomm lill-Istati Membri lura milli jiżviluppaw l-istituzzjonijiet u l-kapaċità tagħhom tal-ġestjoni tal-kwistjonijiet tal-ażil. L-istess bħall-istrateġija tal-inċentivi, it-tisħiħ tal-EASO għandu jimxi id f'id mal-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi li jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali huma iktar miftuħa għall-kooperazzjoni Ewropea u għall-ġestjoni effiċjenti tal-isfidi relatati mal-ażil.

4.1.4

Is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi jippermettu li tiġi ttestjata l-vijabbiltà tas-soluzzjonijiet istituzzjonali, b'riżultati differenti fil-każ tal-politika dwar l-ażil. B'mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri mhumiex ippreparati biżżejjed biex jiffaċċjaw flussi eċċezzjonali ta’ refuġjati, minkejja li l-analiżi turi li dawn jistgħu jitbassru tal-inqas fil-punti ta’ dħul. Il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni kbira lit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Membri li huma l-iktar esposti għall-flussi normali u straordinarji ta’ refuġjati.

4.1.5

Nilqgħu l-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tal-l-kooperazzjoni bejn l-EASO u aġenziji oħra speċjalizzati tal-UE, bħall-Frontex. Il-Kumitat jinsisti li l-EASO għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-problemi marbuta mad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkun f'kuntatt dirett jew indirett magħhom. Il-kooperazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamental tal-UE hija kruċjali sabiex jiġi żgurat bilanċ strutturali u operattiv bejn l-istrumenti tal-politika dwar l-ażil.

4.1.6

Il-Kumitat jilqa' l-użu tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili fil-każ ta’ flussi migratorji eċċezzjonali. Madankollu din l-għażla m'għandhiex iddgħajjef ir-rieda tal-awtoritajiet nazzjonali li jibnu sistemi tal-ażil b'saħħithom li huma kapaċi jiffaċċjaw varjazzjonijiet fil-flussi tar-refuġjati.

4.1.7

Jeħtieġ li tingħata prijorità lill-użu tal-fondi mis-sena finanzjarja attwali sabiex il-pakkett leġislattiv rinnovat ikun jista' jiġi implimentat b'mod effiċjenti. Madanakollu, il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li jkomplu jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri għall-flussi ta’ refuġjati. Sakemm tibqa' instabbli s-sitwazzjoni ġeopolitika tar-reġjuni li mnnhom ġejjin dawn il-flussi, ma nistgħux nistennew tnaqqis kbir fin-numru ta’ refuġjati. Għalhekk huwa importanti li jissaħħu s-sistema fil-pajjiżi esposti għal dawn il-flussi flimkien mal-isforzi tal-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni. Il-proġetti li jeżistu, ħafna minnhom innovattivi, jeħtieġ li jinżammu u jingħataw l-appoġġ adegwat. Jekk dawn il-proġetti ma jurux riżultati, dan ser jhedded il-fiduċja tal-Istati Membri fl-appoġġ tal-UE u ser jolqot ir-rieda tagħhom li jkunu iktar involuti fil-futur.

4.1.8

Mill-2014, l-Istati Membri ser ikollhom Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni ġdid (FAM) għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu serju mal-Istati Membri sabiex tidentifika b'mod preċiż il-bżonnijiet u l-prijoritajiet fil-livell nazzjonali. Huwa imporanti ħafna li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali jkunu involuti f'dan id-djalogu. Il-programm tal-Fond għandu jindika b'mod ċar il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll ir-riżorsi u l-istrumenti disponibbli. Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li l-obbligu ta’ rapport annwali dwar l-użu tal-fondi ser jagħmel lill-Istati Membri responsabbli u jitħeġġu jkomplu bl-għanijiet tal-politika dwar l-ażil minn rajhom.

4.1.9

Il-Kumitat jinnota li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jsibuha diffiċli li jkollhom aċċess għall-fondi neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li jista' jkollhom impatt lokali sinifikanti. Jeħtieġ li jiġu ssemplifikati l-proċeduri sabiex titħaffef il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta’ dawk li jitolbu l-ażil.

4.1.10

Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tuża l-fondi disponibbli primarjament għall-pajjiżi li bħalissa huma esposti għall-flussi tar-refuġjati. Dan ser iħeġġiġhom biex isiru iktar involuti u jagħtu spinta lill-kapaċitajiet tagħhom. Barra minn hekk dan ipoġġi fil-prattika wkoll il-prinċipju ċentrali tal-politika dwar l-ażil – is-solidarjetà.

4.1.11

Fuq nota simili, il-Kumitat jilqa' mingħajr riserva l-miżuri finanzjarji ta’ inċentivi li għandhom jingħataw lill-Istati Membri, simili għal dawk użati attwalment għar-risistemazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati (gruppi u persuni vulnerabbli li ġejjin mill-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali), biex jikkumpensa lil dawk l-Istati Membri li jaċċettaw it-trasferiment ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.

4.1.12

Hemm bżonn ukoll li l-fondi disponibbli jiġu kkompletati minn sorsi oħra ta’ finanzjament, bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili organizzata u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu iktar involuti fil-proġetti.

4.2

Il-Kumitat jilqa' l-isforzi li qed isiru favur ir-riforma tar-Regolament ta’ Dublin. Hemm evidenza konsiderevoli, ħafna minnha mressqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li s-sistema mhix kapaċi tilħaq l-għanijiet tagħha. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma fundamentali wkoll fid-diskussjonijiet dwar ir-riforma ta’ dan ir-Regolament fuq perjodu medju u dak fit-tul. Il-Kumitat jibqa' dejjem miftuħ għal dibattitu u jappoġġja kwalunkwe sforzi li jsiru sabiex jiġu analizzati, evalwati u identifikati l-iktar regoli u strumenti adatti. Nilqgħu r-referenza għad-drittijiet fundamentali bħala kriterju prinċipali għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin.

4.3

Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, il-Kumitat iqis li din mhix neċessarja billi dawn jibbenefikaw minn kundizzjonijiet deċenti fil-pajjiżi fejn japplikaw u l-applikazzjoni tiġi pproċessata b'mod rapidu. Il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri jridu jiżdiedu. Jekk dan ma jsirx jistgħu jinkisbu xi riżultati permezz ta’ mekkaniżmu volontarju u bbażat fuq l-inċentivi għar-rilokazzjoni tal-applikanti.

4.3.1

Minkejja li jeżisti kunsens mifrux dwar il-bżonn prattiku tar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jikkooperaw b'nofs qalb. Il-proġett pilota tal-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilux jistabbilixxi mekkaniżmu effiċjenti ta’ rilokazzjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-EASO u lill-Istati Membri sabiex ikomplu għaddejjin bil-kooperazzjoni tagħhom b'rabta ma’ dan il-proġett u huwa favur li dan isir programm volontarju permanenti. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati u implimentati l-inċentivi li jżidu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-programm permanenti. L-iskala tal-inċentivi u l-motivazzjoni għandha tkun fattur prinċipali fl-evalwazzjoni li qed tippjana l-Kummissjoni.

4.4

It-twaqqif ta’ proċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil jista' jkun strument utli għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ażil. Il-Kumitat jistenna b'ħerqa r-riżultati tal-evalwazzjoni li qed tippjana l-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni kumplessa kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat operattiv. Il-Kumitat iqis li l-ipproċessar konġunt jista' jkun mezz utli ta’ kif jiġu indirizzati l-flussi varjabbli ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil. Tista' tinħoloq proċedura standard li fuqha l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-attivitajiet tagħhom. Il-Kumitat iqis li sakemm ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt jitqiesu, l-ipproċessar konġunt għandu jiġi promoss flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali. Dawn il-kapaċitajiet imorru lil hinn mill-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jżommu rwol attiv fl-oqsma kollha tal-politika dwar l-ażil.

4.5

Il-Kumitat jilqa' l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu previst fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, hekk kif jintlaħqu l-kundizzjonijiet. Minkejja li huma rari, flussi eċċezzjonali ta’ rifuġjati joħolqu perjodi ta’ kriżi u l-istituzzjonijiet Ewropew u nazzjonali jeħtieġ li jkunu preparati sabiex jiffaċċjawhom. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-prattiki assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u jisħaq li l-prinċipju ta’ non-refoulment għandu jiġi rispettat b'mod sħiħ.

4.6

Il-Kumitat iqis li l-politika dwar l-ażil uriet kemm maturità kif ukoll livell għoli ta’ żvilupp fir-rigward tal-Greċja. L-użu ta’ strumenti li jippenalizzaw kwalunkwe ksur tal-liġi tal-UE għandu jiġi akkumpanjat minn strumenti ta’ appoġġ. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-aġenziji speċjalizzati l-oħra sabiex jadottaw approċċ proattiv u preventiv lejn l-Istati Membri li jridu jtejbu l-prestazzjoni tas-sistema nazzonali tal-ażil tagħhom. Il-programm ta’ appoġġ għall-Greċja huwa pass kbir 'il quddiem u jeħtieġ li dan jitkompla jiġi ffinanzjat b'mod adegwat. Is-sitwazzjoni tal-Greċja u ta’ Malta ser tkun test għall-politika dwar l-ażil. Jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej ma jurux soldiarjetà ġenwina lejn il-pajjiżi li qed jiffaċċjaw flussi kbar ta’ refuġjati, ifisser li l-politika komuni dwar l-ażil falliet u dan il-falliment ser ikollu riperkussjonijiet serji għal bosta nies li jinsabu f'riskju. L-appoġġ għandu jkun diversifikat, rinforzat u koordinat.

4.7

Il-Kumitat jitlob li tissaħħaħ is-sistema ta’ Dublin permezz ta’ monitoraġġ aħjar u t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ tbassir bikri. Dawn l-istrumenti jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jippreparaw ruħhom biex jiffaċċjaw aħjar il-fluss tar-refuġjati u jikkoordinaw b'mod effettiv il-politika dwar l-ażil. Dawn jeħtieġ li jiġu definiti b'mod ċar fir-rigward tal-bżonnijiet tal-Istati Membri fid-dawl tal-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tar-refuġjati.

4.8

Ġestjoni mtejba tal-fruntieri u politika mtejba tal-viżi tista' ssaħħaħ il-politika dwar l-ażil. Il-Kumitat jilqa' l-progress li sar f'dan il-qasam iżda jqis li klawżola ta’ salvagwardja li tagħti l-għażla tas-suspensjoni tal-moviment liberu mingħajr viża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz tista' tkun problematika anki meta soġġetta għall-kundizzjoni ta’ data li turi li n-nuqqas ta’ viżi wassal għal abbuż tas-sistema tal-ażil.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”

COM(2011) 933 final

2012/C 299/18

Relatur: is-Sur JASIŃSKI

Nhar l-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ

COM(2011) 933 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'212-il vot favur, 1 (wieħed) vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sintesi tar-rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jenfasizza kemm hija utli l-“Inizjattiva tal-Kummissjoni għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, li mhux biss tiġbed l-attenzjoni għall-problema attwali iżda tenfasizza wkoll l-għanijiet tal-inizjattiva “Żgħażagħ Attivi”. Il-KESE jinsab lest li jiġi involut fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva billi jikkoopera mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll permezz ta’ attivitajiet konġunti mal-partijiet interessati biex jippromoviha.

1.2   Il-KESE jinnota li l-politika ta’ awsterità tal-UE u n-nuqqas ta’ politika ċara – u rikonoxxuta globalment – ta’ tkabbir jistgħu jheddu s-suċċess tal-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”. Din l-inizjattiva importanti tista’ tfisser sors ta’ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, iżda jekk titqies waħidha – barra mill-kuntest ekonomiku ġenerali – mhi ser tipprovdi lanqas impjieg wieħed ġdid. Għaldaqstant, biex niżguraw implimentazzjoni adatta ta’ din l-inizjattiva, huwa kruċjali li noħolqu ambjent ekonomiku u finanzjarju adatt.

1.3   Il-KESE jagħraf li hemm bżonn li titkompla l-azzjoni għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola. Huwa importanti li jinżammu jew, fejn possibbli, jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola.

1.4   Meta jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti tal-irġiel u n-nisa żgħażagħ, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ konsulenza adatta dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-karriera, li tista’ jappoġġja liż-żgħażagħ fl-isforzi tagħhom biex jiksbu edukazzjoni, kwalifiki u ħiliet aħjar u biex jagħżlu l-iskejjel, inklużi ċ-ċentri ta’ edukazzjoni għolja jew taħriġ, li jistgħu jiżgurawlhom impjieg adatt.

1.5   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol, permezz tal-kooperazzjoni attiva bejn is-suq tax-xogħol u l-istituzzjonijiet edukattivi. Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-appoġġ finanzjarju addizzjonali tal-Kummissjoni għall-programmi “L-ewwel impjieg tiegħek bil-EURES” u “Erasmus għall-Intraprendituri” u biex tingħata spinta lill-mobbiltà taż-żgħażagħ.

1.6   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiġi appoġġjata l-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Jaqbel li l-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol f’intrapriża u l-esperjenzi ta’ taħriġ kif ukoll il-programmi tas-servizzi volontarji, huma mezz tajjeb biex iż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet u l-esperjenza tax-xogħol. Madankollu, dawn il-mezzi bl-ebda mod m’għandhom jitqiesu bħala sostitut għall-forom regolari tal-impjieg. F’dan is-sens għandna nenfasizzaw l-importanza tal-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-esperjenzi ta’ taħriġ, l-esperjenzi qosra tax-xogħol u l-programmi tas-servizzi volontarji, bħall-“Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprentistati” (“European Quality Charter on Internships and Apprenticeships”).

1.7   Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ standards ta’ kwalità neċessarji għall-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi tat-taħriġ. F’dan is-sens, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex fl-2012 tadotta qafas ta’ kwalità li jappoġġja l-provvista u l-użu ta’ esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja.

1.8   Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jaqdi l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-iskambju tal-aħjar prattiki u fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistemi tal-esperjenza tax-xogħol.

1.9   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiżdied l-allokazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni għas-Servizz Volontarju Ewropew. Huwa jilqa’ wkoll it-twaqqif ta’ Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa tal-fażi pilota li għaddejja bħalissa u ta’ informazzjoni dwar jekk l-inizjattiva hux ser tkun ġenwinament volontarja.

1.10   L-ewwel impjieg għandu jiżgura sett ta’ standards minimi ta’ impjieg, li m’għandhomx ikunu differenti minn dawk offruti lil impjegati iktar anzjani. Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hija ta’ importanza kruċjali. Il-KESE mill-ġdid jenfasizza l-importanza kritika ta’ miżuri li jgħinu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg stabbli, ta’ kwalità għolja u mħallas b’mod adatt, b’garanzija ta’ sigurtà soċjali, sa mill-bidu nett tal-karriera tagħhom.

1.11   Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun appoġġjata minn politika attiva tas-suq tax-xogħol, li tgħin tillimita d-distakk bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol, fuq livell indaqs għat-tfajliet u l-ġuvintur.

1.12   Il-KESE jtenni l-proposti konkreti li ressaq dan l-aħħar fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-linji gwida dwar l-impjieg” b’rabta ma’ kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li f’ħafna Stati Membri qed teħżien b’mod katastrofiku:

l-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward l-impjieg taż-żgħażagħ;

l-implimentazzjoni konsistenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-pajjiżi kollha tal-UE;

id-disponibbiltà ta’ aktar fondi tal-UE u aċċess aktar faċli fil-pajjiżi partikolarment milquta;

l-iżgurar ta’ aktar fondi fil-baġit il-ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

it-titjib tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-benefiċċji ta’ kumpens għall-qgħad;

il-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u forom mhux regolamentati fis-settur tat-tagħlim u tal-apprentistati;

il-promozzjoni iktar qawwija tas-sistema f’żewġ livelli tat-taħriġ professjonali bħala mudell fl-UE (1).

1.13   Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi għaż-żgħażagħ fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew meta titfassal il-perspettiva finanzjarja għas-snin 2014-2020.

1.14   Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għandu jibqa’ prijorità. Il-KESE jipproponi li, fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.

1.15   Ir-rieda tal-Kummissjoni li tipprovdi fondi għall-assistenza teknika biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli għandha titqies bħala xi ħaġa ta’ importanza partikolari. Dan jirrigwarda l-ewwel nett il-Fond Soċjali Ewropew, li fih hemm mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-Istati Membri għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013.

2.   Sintesi tal-inizjattiva tal-Kummissjoni - Sfond tal-problema

2.1   Il-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol huma ta’ natura strutturali u ilhom li ħarġu fid-dieher għal bosta snin, anke qabel ma bdiet il-kriżi attwali. Il-kriżi ekonomika, li ilna għaddejjin minnha mill-2008, wasslet biex il-problemi taż-żgħażagħ imorru għall-agħar. Ir-rata tal-qgħad għall-grupp bejn 15-24 sena hija darbtejn ogħla mir-rata tal-qgħad għall-popolazzjoni inġenerali attiva ekonomikament u kważi tliet darbiet ogħla mir-rata għall-adulti attivi ekonomikament. Bejn l-2008 u l-2010, l-għadd ta’ żgħażagħ Ewropej bla xogħol żdied b’miljun persuna u issa hemm iktar minn ħames miljun żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda fl-UE. Il-fatt li waħda minn kull ħames persuni bħalissa ma tistax issib impjieg huwa tassew inkwetanti. Barra minn hekk, iż-żieda fil-qgħad għat-tul fost iż-żgħażagħ hija partikolarment allarmanti. Bħala medja, 28 % taż-żgħażagħ qiegħda li għandhom inqas minn 25 sena jibqgħu mingħajr xogħol għal iktar minn 12-il xahar.

2.2   L-Istrateġija Ewropa 2020 stabbiliet għadd ta’ għanijiet ambizzjużi, li għandhom iwasslu għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, inklużiv u sostenibbli fl-UE. Iż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-inizjattiva Żgħażagħ Attivi, ippubblikata f’Settembru 2010, tinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għal kulħadd, integrazzjoni sostnuta u li tirnexxi fis-suq tax-xogħol, ix-xogħol deċenti u mħallas b’mod adegwat, u l-opportunitajiet għal iktar mobbiltà huma elementi essenzjali biex “jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ kollha”, u b’hekk biex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-mudell fil-qafas ta’ din l-istrateġija tibqa’ ħaġa kruċjali.

2.3   Il-kriżi ekonomika tant kienet serja li m’għadux possibbli li jinkisbu l-għanijiet deskritti fl-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Agħar minn hekk, il-qagħda taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol qed tiddeterjora kontinwament. L-Unjoni Ewropea għandha tinvesti fiż-żgħażagħ tagħha u tieħu azzjoni effettiva minnufih għall-prevenzjoni u l-indirizzar tar-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluża r-rata għolja tal-qgħad għat-tul fost iż-żgħażagħ. Il-fondi disponibbli biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku huma essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda iżda fihom innifishom mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema tal-qgħad fost iż-żgħżagħ.

2.4   Wara l-ewwel Semestru Ewropew ta’ governanza ekonomika fl-2011, il-Kummissjoni, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, ġibdet l-attenzjoni għall-ewwel indikazzjonijiet li l-Istati Membri mhumiex qed jirreaġixxu b’mod effettiv biżżejjed għar-rakkomandazzjonijiet li saru.

2.5   Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li qed tiddeterjora, il-Kummissjoni qed tagħmel sforz mill-ġdid biex tirmedja s-sitwazzjoni billi tipproponi l-“Inzjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”, li tiffoka speċifikament fuq iż-żgħażagħ li m’għandhomx impjieg u li mhumiex fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għan tagħha huwa li tlaqqa’ l-miżuri speċifiċi tal-Istati Membri ma’ dawk tal-UE, li l-prijoritajiet tagħha huma stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel”.

2.6   Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr ma joqogħdu jistennew ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż tal-2012, l-Istati Membri, b’mod partikolari dawk bl-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, għandhom jieħdu miżuri deċiżivi fl-erba’ oqsma prinċipali li ġejjin:

il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola;

l-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol;

l-appoġġ għall-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol;

l-aċċess għas-suq tax-xogħol: l-akkwist tal-(ewwel) impjieg.

2.7   Il-Kummissjoni ser tipprovdi fondi għall-assistenza teknika bil-għan li tgħin lill-Istati Membri jużaw il-Fondi tal-UE li għadhom disponibbli, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, li għad għandu mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013.

2.8   L-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” tibni fuq is-sħubija qawwija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u tħeġġeġ l-azzjoni koordinata biex jiġi żgurat li kull parti interessata tagħmel użu sħiħ mill-appoġġ finanzjarju u mill-istrumenti disponibbli tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   Il-Komunikazzjoni dwar l-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ” għandha tiġi analizzata filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fl-inizjattivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri “Żgħażagħ Attivi”, “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u anke fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2011 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel”.

3.2   Il-Kumitat jiddispjaċih li – l-istess bħalma ġara fil-każ tal-inizjattiva Żgħażagħ Attivi – il-Kummissjoni reġgħet ma tatx kas dawk il-miżuri li jsaħħu u jiżviluppaw id-dimensjoni soċjali u ċivili tal-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-inizjattiva għandha sservi bħala mezz ta’ kooperazzjoni maż-żgħażagħ u mhux biss biex tagħti l-informazzjoni dwarhom jew timplimenta miżuri għall-ġid tagħhom. Għalhekk, il-Kumitat mill-ġdid jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi l-azzjoni meħtieġa f’din l-inizjattiva. Il-KESE jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu involuti biex din l-inizjattiva tingħata l-ħajja f’kull livell.

3.3   Mit-tnedija tal-inizjattiva “Żgħażagħ Attivi” ’l hawn, is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tal-UE mhux biss ma marritx għall-aħjar iżda saħansitra marret għall-agħar. Il-KESE jinnota li l-politika ta’ awsterità makroekonomika tal-Istati Membri, li qed tiġi implimentata f’kuntest ta’ governanza ekonomika ġdida u n-nuqqas ta’ politika ta’ tkabbir ċara u rikonoxxuta globalment, jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-suċċess tal-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ”. Il-miżuri li qed jiġu implimentati fil-qafas tal-politika baġitarja rigoruża tal-Istati Membri jridu jqisu l-impatt li qed ikollhom fuq il-qagħda taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa għalhekk tal-fehma li din l-inizjattiva importanti tista’ tfisser sors ta’ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ, iżda jekk titqies waħidha – barra mill-kuntest ekonomiku ġenerali – mhi ser tipprovdi lanqas impjieg wieħed ġdid. Għaldaqstant, biex niżguraw implimentazzjoni adatta ta’ din l-inizjattiva, huwa kruċjali li noħolqu ambjent ekonomiku u finanzjarju adatt. Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-miżuri li jittieħdu bħala reazzjoni għall-kriżi ma jmorrux kontra l-istimolar tad-domanda u l-impjieg matul il-kriżi u warajha u kontra l-mitigazzjoni tal-impatti soċjali. Għandhom jiġu żgurati b’mod partikolari l-investiment pubbliku f’politika attiva tas-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.4   Il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ kwalunkwe azzjoni immedjata u effettiva biex tittejjeb is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE jista’ jwassal biss biex jaggravaw il-fenomeni tal-ħela tal-imħuħ (brain waste) u tal-eżodu tal-imħuħ (brain drain) marbuta mal-migrazzjoni tal-ħaddiema. Dan ma jfissirx biss it-telf – ħafna drabi mingħajr il-possibbiltà ta’ rkupru – tal-fondi pubbliċi investiti fl-edukazzjoni, iżda wkoll it-telf ta’ kapital uman fil-livell tal-Istati Membri u fl-UE kollha kemm hi.

3.5   Minkejja dan, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni b’mod pożittiv, inizjattiva li tenfasizza kemm il-problemi attwali kif ukoll l-għanijiet tal-inizjattiva Żgħażagħ Attivi. Il-valur miżjud tal-Komunikazzjoni l-“Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” jinsab fl-enfasi fuq il-miżuri speċifiċi mill-Istati Membri u f’li tidentifika l-opportunitajiet għall-appoġġ finanzjarju li, fil-fehma tal-KESE, jistgħu jgħinu sew biex itejbu l-qagħda taż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol.

3.6   L-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jieħdu miżuri korrettivi konkreti u immedjati fil-qasam tal-impjieg u joħolqu rabtiet bejn il-kwistjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ (b’mod partikolari dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET – not in employment, education or training)) u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jtejbu u jsaħħu l-liġi, billi ħafna drabi hemm rabta stretta bejn il-fenomenu tan-NEET u l-ekonomija klandestina.

3.7   Il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola

3.7.1   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ din l-inizjattiva ġdida għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u jikkonferma li huwa partikolarment importanti li jitnaqqas il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, b’mod partikolari fil-każ ta’ ċerti Stati Membri. Dan huwa wkoll wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2). Il-KESE jemmen li dawn il-miżuri għandhom jitkomplew billi jinżammu, jew fejn possibbli jiżdiedu, ir-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u billi tittieħed azzjoni biex is-servizzi edukattivi jsiru iżjed attraenti. Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza li hemm bżonn li s-sistemi edukattivi jsiru iżjed inklużivi.

3.7.2   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tittieħed azzjoni minnufih fil-forma ta’ riintegrazzjoni permezz tat-taħriġ u għalhekk jappella lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata u effettiva biex il-proporzjon ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jitnaqqas għal 10 %. Bħalissa r-rata medja fl-Istati Membri hija 14 %.

3.8   L-iżvilupp ta’ ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol. Il-mobbiltà.

3.8.1   Il-KESE jaqbel li l-iżvilupp tal-ħiliet li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol huwa kruċjali fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. L-ewwel nett huwa essenzjali li d-dinja tal-impjieg toqrob lejn dik tal-istituzzjonijiet edukattivi, u li ssir enfasi partikolari fuq ir-rwol ta’ sistema ta’ edukazzjoni f’żewġ livelli. Il-KESE jinnota l-importanza tal-appoġġ għall-intraprenditorija u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi fis-setturi tal-industrija, l-agrikoltura u s-servizzi u s-sistema edukattiva f’kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol tal-edukazzjoni għall-ħtiġijiet usa’ tas-soċjetà, lil hinn mill-ekonomija. F’dan is-sens, huwa ferm importanti li l-kurrikuli tal-iskejjel iqisu kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol u jiżguraw li l-istudenti jkunu jafu bl-opportunitajiet li toffri l-UE f’dan il-qasam. Dan jista’ jkollu effett importanti fuq is-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ qabel ma jfittxu l-ewwel impjieg fis-suq tax-xogħol kif ukoll isaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea tagħhom.

3.8.2   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal-linji gwida stabbiliti fil-Communiqué ta’ Bruges dwar “Kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-perjodu 2011-2020”. L-Ewropa teħtieġ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jkunu flessibbli u ta’ kwalità tajba u li jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tal-lum u ta’ għada. Il-konsulenza u l-orjentazzjoni tul il-ħajja fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg jistgħu jkunu kruċjali biex dawn l-inizjattivi jkunu iżjed effettivi. Din hija ħaġa ferm importanti fil-kuntest tal-problema tal-eżodu tal-imħuħ.

3.8.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li jissaħħu l-istrumenti għall-mobbiltà taż-żgħażagħ. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, bl-għajnuna tal-Parlament Ewropew, twaqqaf skema mmirata lejn il-mobbiltà tal-impjiegi biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg fi Stat Membru ieħor u tgħin lill-intrapriżi jimlew il-postijiet battala li diffiċli jimtlew. Il-KESE jemmen li hija ħaġa importanti li jiġi appoġġjat it-tagħlim tal-lingwi barranin u l-ksib ta’ ħiliet tal-ICT.

3.8.4   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprovdi għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programm “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”. L-għan tal-programm huwa li jgħin lil 5 000 żagħżugħ u żagħżugħa jfittxu impjieg fi Stati Membri oħra bejn l-2012 u l-2013. Il-KESE ser ikun qed jissorvelja dan il-programm fil-fażi pilota tiegħu, bil-għan li jiġi żviluppat iktar.

3.8.5   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-miżuri tal-Kummissjoni intiżi biex jintużaw EUR 3 miljun mill-assistenza teknika tal-FSE biex jgħinu lill-Istati Membri jwaqqfu skemi ta’ appoġġ għaż-żgħażagħ li jkunu bdew intrapriża u għall-intraprendituri soċjali. Il-finanzjament ta’ madwar 600 skambju addizzjonali fl-2012 fil-qafas tal-programm “Erasmus għall-intraprendituri” huwa wkoll żvilupp sinifikanti.

3.8.6   Madankollu, min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħtix biżżejjed attenzjoni lill-problema tal-finanzjament tal-għotjiet diretti liż-żgħażagħ li jixtiequ jibdew intrapriża (nuqqas ta’ riżorsi u aċċess limitat għalihom). Dan jikkonċerna r-riżorsi finanzjarji kemm mill-fondi Ewropej kif ukoll mill-baġits tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-Kumitat, l-għajnuna lill-intraprendituri żgħażagħ li jiddeċiedu jibdew intrapriża tista’ tkun strument ewlieni biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

3.9   L-appoġġ għall-ewwel esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol

3.9.1   Il-KESE jaqbel li l-apprentistati u l-esperjenzi qosra tax-xogħol huma strumenti importanti biex iż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u esperjenza tax-xogħol u għandhom jagħmlu part mill-istrateġiji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Jekk kumpanija tinvesti f’ħaddiema żgħażagħ u tittrattahom bħala riżorsa prezzjuża, dan jista’ jgħolli b’mod konsiderevoli l-livell ta’ impenn tagħhom fl-operat tal-kumpanija.

3.9.2   Il-KESE jinnota r-rwol li jistgħu jaqdu politika attiva tas-suq tax-xogħol u t-titjib fis-servizzi tat-tqabbil tal-impjiegi. Għandha tingħata konsulenza dwar il-karrieri għaż-żgħażagħ li tkopri s-setturi kollha – l-agrikoltura, l-industrija u s-servizzi – meta jkunu għadhom l-iskola.

3.9.3   Il-KESE jemmen li hija ħaġa importanti li l-Kummissjoni qed talloka EUR 1,5 miljun fl-2012 għal kampanja mmirata lejn l-intrapriżi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-intrapriżi dwar l-esperjenzi qosra tax-xogħol fil-qafas tal-programmi Erasmus u Leonardo da Vinci.

3.9.4   Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza kruċjali ta’ standards ta’ kwalità neċessarji għall-apprentistati, l-esperjenzi qosra tax-xogħol f’intrapriża u l-esperjenzi ta’ taħriġ. Għandu jiġi stabbilit qafas Ewropew għar-regolazzjoni tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi. F’dan is-sens, il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex fl-2012 tadotta qafas ta’ kwalità li jappoġġja l-provvista u l-użu ta’ esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, inkluża panorama tal-UE dwar dawn l-esperjenzi li żżid it-trasparenza tal-kundizzjonijiet għat-trainees fl-Unjoni Ewropea.

3.9.5   L-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi m’għandhomx jissostitwixxu l-impjieg regolari. Dawn għandhom joffru lit-trainees l-opportunità li jiskbu l-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jidħlu b’mod iżjed faċli fis-suq tax-xogħol. It-trainees għandhom jirċievu ħlas deċenti għall-kompiti li jwettqu fil-post tax-xogħol li jkunu verament relatati max-xogħol. Rimunerazzjoni baxxa jew l-ebda rimunerazzjoni twassal għall-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Sabiex l-esperjenzi tax-xogħol ikunu effettivi u adatti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-imsieħba soċjali jridu jkunu involuti fit-tfassil, l-organizzazzjoni, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tagħhom.

3.9.6   Il-KESE ser jissorvelja mill-qrib u jappoġġja kull inizjattiva biex tittejjeb il-kwalità tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi, bħall-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprentistati (“European Quality Charter on Internships and Apprenticeships”), imressqa mill-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali għat-twaqqif ta’ regoli adatti f’dan il-qasam.

3.9.7   Il-KESE bi pjaċir jinnota li fl-2010 l-imsieħba soċjali adottaw il-ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-fatturi elenkati fil-ftehim qafas li għandhom impatt fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol: a) fatturi kuntestwali (marbuta mal-ambjent ekonomiku u tas-suq tax-xogħol), li xekklu l-integrazzjoni fil-passat; b) fatturi relatati max-xogħol; u c) fatturi individwali (bħal ħiliet, livelli ta’ kwalifiki u edukazzjoni, il-motivazzjoni, għarfien tal-lingwi u l-istatus tas-saħħa inklużi d-diżabbiltà u perjodi frekwenti jew twal ta’ qgħad). Il-KESE jappella lill-imsieħba soċjali fl-Istati Membri biex jimplimentaw il-ftehim b’urġenza, b’mod partikolari l-għan li jiżdied l-għadd tal-apprentistati u tal-esperjenzi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja.

3.9.8   Il-KESE jikkonferma l-bżonn li jinħoloq Passaport Ewropew uniku tal-Ħiliet, li jiġbor flimkien il-kwalifiki u l-ħiliet li jkunu nkisbu bħala parti mill-edukazzjoni formali, mhux formali u informali.

3.9.9   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-apprentistati għaż-żgħażagħ u jilqa’ l-aħbar li l-Kummissjoni ser talloka direttament EUR 1,3 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew biex tgħin fit-twaqqif ta’ skemi ta’ apprentistat.

3.9.10   L-esperjenza ta’ dawk il-pajjiżi li introduċew sistema ta’ edukazzjoni f’żewġ livelli hija ta’ importanza partikolari f’dan il-kuntest. Il-vantaġġ tagħha huwa li tikkombina l-edukazzjoni tradizzjonali tal-iskola u l-applikazzjoni prattika ta’ dan l-għarfien fuq il-post tax-xogħol. Dan jippermetti lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza r-rwol li jista’ jaqdi l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-iskambju tal-aħjar prattiki u fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-sistema tal-esperjenza tax-xogħol. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-linji gwida tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għandu jiġi studjat jekk is-sistema f’żewġ livelli tal-apprentistati, b’taħlita ta’ edukazzjoni ġenerali u taħriġ, tistax tiġi applikata bnadi oħra.

3.9.11   Il-KESE jemmen li hija ħaġa adatta li tiżdied l-allokazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni għas-Servizz Volontarju Ewropew sabiex sal-2012 jiġu provduti mill-inqas 10 000 post għall-voluntiera. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa tal-fażi pilota li għaddejja bħalissa u ta’ informazzjoni dwar jekk l-inizjattiva hux ser tkun ġenwinament volontarja. L-istess bħall-każ tal-esperjenzi qosra tax-xogħol fl-intrapriżi u l-esperjenzi ta’ taħriġ, għandu jiġi enfasizzat il-bżonn ta’ ħidma volontarja ta’ kwalità għolja.

3.9.12   Il-KESE ser jappoġġja l-iskambju u t-tqassim tal-esperjenza u l-informazzjoni b’rabta mal-programmi nazzjonali tas-servizzi volontarji fit-tul, li jintużaw għall-orjentazzjoni professjonali u l-akkwist tal-ewwel esperjenza tax-xogħol, li ġew implimentati b’suċċess f’bosta Stati Membri.

3.10   L-aċċess għas-suq tax-xogħol: l-akkwist tal-(ewwel) impjieg

3.10.1   L-importanza tal-ewwel impjieg ma tistax tiġi stmata żżejjed, mhux biss f’termini tad-dħul futur iżda anke rigward il-karriera professjonali u l-pensjoni tal-futur. Għandhom jiġu garantiti sett ta’ standards minimi tax-xogħol malli persuna tikseb l-ewwel impjieg tagħha. Dawn l-istandards m’għandhomx ikunu differenti minn dawk offruti lil ħaddiema iktar anzjani. Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età hija ta’ importanza kruċjali. Il-KESE mill-ġdid jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ miżuri li jgħinu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg stabbli, ta’ kwalità għolja u mħallas b’mod adatt u b’garanzija ta’ sigurtà soċjali sa mill-bidu nett tal-karriera tagħhom (3). Għandhom jiġu kkunsidrati programmi ta’ inċentivi għal dawk l-SMEs li joffru l-ewwel impjieg permanenti lil ħaddiema żgħażagħ.

3.10.2   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tar-riġiditajiet eċċessivi tal-kuntratti permanenti għandhom iqisu wkoll ir-riskji relatati ma’ dan it-tip ta’ azzjoni. Il-kuntratti temporanji, li llum il-ġurnata huma komuni għaż-żgħażagħ – partikolarment għal dawk li għadhom qed jibdew il-karriera tagħhom – wasslu għal suq tax-xogħol f’żewġ livelli, li huwa maqsum f’segmenti. Il-ħaddiema temporanji jgħixu f’sitwazzjoni inċerta, jinsabu fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom u għandhom prospetti professjonali ħżiena. Dan is-suq tax-xogħol f’żewġ livelli qed isir problema partikolarment serja għaż-żgħażagħ u tista’ twassalhom għas-sitwazzjoni prekarja li dejjem ikunu inċerti dwar il-futur tagħhom. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-karriera tagħhom. Il-frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol – li effettivament twassal biex iż-żgħażagħ ikunu ħaddiema tat-tieni klassi – tfisser ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol agħar u prospetti professjonali iżjed ħżiena. Il-KESE jwissi kontra soluzzjonijiet instabbli u bi ftit li xejn prospetti fit-tul għall-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol: minflok impjiegi prekarji, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u l-pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ assigurazzjoni soċjali ma jsirux in-norma għaż-żgħażagħ.

3.10.3   L-istabbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol mhumiex biss importanti għall-impjegati iżda anke fl-interess ta’ min iħaddimhom, billi jħeġġu l-kompetittività tal-intrapriżi, is-setturi u l-oqsma tal-industrija billi jiżguraw żieda fil-produttività. Għalhekk huwa importanti li n-nies ikunu konxji li – minħabba l-kwistjoni tas-sigurtà tal-impjieg – kuntratt ta’ impjieg għal terminu fiss fil-fatt iqum iktar flus għal min iħaddem minn kuntratt indefinit.

3.10.4   Il-KESE jtenni l-proposti konkreti li ressaq dan l-aħħar fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-linji gwida dwar l-impjieg” b’rabta ma’ kif għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol li f’ħafna Stati Membri qed teħżien:

l-istabbiliment ta’ għanijiet ambizzjużi tal-UE rigward l-impjieg taż-żgħażagħ;

l-implimentazzjoni konsistenti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-pajjiżi kollha tal-UE;

id-disponibbiltà ta’ aktar fondi tal-UE u aċċess aktar faċli fil-pajjiżi partikolarment milquta;

l-iżgurar ta’ aktar fondi fil-baġit il-ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

it-titjib tal-aċċess taż-żgħażagħ għall-benefiċċji ta’ kumpens għall-qgħad;

il-ġlieda kontra l-impjiegi prekarji u forom mhux regolamentati fis-settur tat-tagħlim u tal-apprentistati;

il-promozzjoni iktar qawwija tas-sistema f’żewġ livelli tat-taħriġ professjonali bħala mudell fl-UE.

3.11   L-Istati Membri u l-atturi fis-suq tax-xogħol iridu juru ħafna iktar inizjattiva jekk iridu jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom jew impjieg jew edukazzjoni jew taħriġ (mill-ġdid) fi żmien erba’ xhur minn meta jħallu l-iskola, speċjalment għal dawk li jieqfu kmieni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ u żgħażagħ oħra f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw din l-inizjattiva mingħajr dewmien.

3.12   L-azzjoni tal-Istati Membri u l-atturi fis-suq tax-xogħol s’issa ma wasslet għall-ebda titjib fis-sitwazzjoni taż-żgħażagħ. Dan huwa ċar immens fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-KESE għaldaqstant jilqa’ l-miżuri tal-Kummissjoni intiżi biex l-Istati Membri jiġu allokati EUR 4 miljun biex jiġu megħjuna jwaqqfu skemi fil-qafas tal-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-appell tiegħu biex l-Istati Membri jidentifikaw minnufih l-ostakli kollha sabiex tiġi żgurata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jiġu stabbiliti għanijiet u miżuri konkreti fil-pjani nazzjonali ta’ riforma.

3.13   Il-KESE jenfasizza li l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tkun appoġġjata minn politika attiva tas-suq tax-xogħol, li timla l-lakuna bejn is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol, fuq livell indaqs għat-tfajliet u l-ġuvintur. Din l-inizjattiva għandha tqis ukoll is-sitwazzjoni tal-migranti, il-minoritajiet nazzjonali u etniċi u n-nies b’diżabbiltà. Għandha tikkunsidra wkoll l-għarfien, il-kompetenzi, il-ħiliet u l-esperjenzi tal-ħaddiema mdaħħla fl-età, inklużi l-persuni li rtiraw.

3.14   Fil-linji gwida attwali tal-UE dwar il-politika tal-impjieg għad jonqos miri konkreti. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu għal miri Ewropej kwantifikabbli, speċjalment rigward it-tnaqqis sinifikanti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kif ukoll rigward il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

3.15   Ir-rieda tal-Kummissjoni li tipprovdi fondi għall-assistenza teknika biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-fondi li għadhom disponibbli għandha titqies bħala xi ħaġa ta’ importanza partikolari. Dan jirrigwarda l-ewwel nett il-Fond Soċjali Ewropew, li fih għad hemm mat-EUR 30 biljun disponibbli għall-Istati Membri għall-proġetti fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja 2007-2013. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-fondi mingħajr dewmien.

3.16   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilha ċara lill-Istati Membri li dawn il-fondi għandhom jintużaw primarjament għall-proġetti għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġi żgurat li l-proċess tad-distribuzzjoni ta’ dawn il-fondi u l-allokazzjoni adatta tagħhom issir bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tagħhom għaż-żgħażagħ (fejn dawn jeżistu) u l-NGOs li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ.

3.17   Il-KESE jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi għaż-żgħażagħ taħt il-Fond Soċjali Ewropew meta titfassal il-perspettiva finanzjarja għas-snin 2014-2020, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET). Ta’ min jenfasizza l-fatt li ħafna drabi hemm rabta stretta bejn il-fenomenu tan-NEET u l-ekonomija klandestina. Il-KESE jisħaq li, kemm issa kif ukoll fil-futur, hemm bżonn formula ta’ finanzjament sistematika u permanenti li tkun aċċessibbli għal firxa wiesgħa tas-soċjetà ċivili.

3.18   Il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għandu jibqa’ prijorità. Il-KESE jipproponi li, fil-qafas tal-perspettiva finanzjarja li jmiss, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għall-Impjieg taż-Żgħażagħ. Il-fondi disponibbli taħt din l-istrateġija għandhom jintużaw biex jappoġġjaw dawk l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet pubbliċi u entitajiet oħra li jħaddmu li joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara r-rakkomandazzjonijiet konkreti fl-Opinjoni tal-KESE (ĠU C 143, 22.05.2012, p. 94), Kapitolu 5.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli”, (ĠU C 132, 03.05.2011, p. 55).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Żgħażagħ Mobbli”, (ĠU C 132, 03.05.2011, p. 55).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2014-2020 il-Programm dwar il-Ġustizzja”

COM(2011) 759 final — 2011/0369 (COD)

2012/C 299/19

Relatur: is-Sur DE LAMAZE

Nhar id-9 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi, għall-perjodu 2014-2020, il-Programm dwar il-Ġustizzja

COM(2011) 759 final – 2011/0369 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 126 vot favur, vot 1 kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Filwaqt li jilqa’ l-għan ta’ simplifikazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni ta’ din il-Proposta għal Regolament, il-KESE jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni favur l-għażla B. Il-fużjoni tal-programmi “Ġustizzja Ċivili” u “Ġustizzja Kriminali” hija ġustifikata mill-prossimità tal-għanijiet, tal-atturi u tat-tipi ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati.

1.2   Min-naħa l-oħra, f’dan il-Programm ġdid dwar il-Ġustizzja għall-perjodu 2014-2020, u minkejja l-ġustifikazzjonijiet ta’ natura legali mressqa f’din il-proposta, il-KESE jkompli jistaqsi dwar kemm huwa rilevanti li mal-ewwel żewġ għanijiet “speċifiċi”, jiġifieri l-applikazzjoni tajba tal-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kamp ċivili u kriminali u l-aċċess faċilitat għall-ġustizzja, jiġi assoċjat għan ieħor, relatat mal-prevenzjoni u mat-tnaqqis fid-domanda u l-provvista tad-droga. Minbarra l-fatt li dan it-tielet għan jidher li huwa żvilupp tal-ewwel wieħed, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi li jkollha, f’termini tal-impressjoni li tagħti, l-inkorporazzjoni ta’ għan bħal dan f’test ta’ natura regolamentari, u għalhekk b’kamp ta’ applikazzjoni qawwi, immedjat u dirett għaċ-ċittadini, l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs u destinatarji oħra li potenzjalment jistgħu jirċievu s-sussidji: dan jista’ jagħti l-impressjoni li elementi oħra li huma daqstant essenzjali, bħal pereżempju l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, mhumiex suġġetti għal tħassib ugwali min-naħa tal-Kummissjoni.

1.3   B’mod aktar fundamentali, il-KESE huwa mħasseb dwar il-messaġġ mibgħut mill-Kummissjoni: huwa jsostni li skont il-pożizzjoni li esprima diversi drabi, fil-qasam tal-ġlieda kontra d-droga, l-enfasi għandha titpoġġa qabel kollox fuq approċċ edukattiv, sanitarju u soċjali aktar milli fuq l-approċċ ta’ ripressjoni (1).

1.4   Il-KESE jikkondividi x-xewqa tal-Kummissjoni li titħalla flessibilità massima fil-ġestjoni tal-fondi ta’ dan il-programm, sabiex ikun hemm l-aħjar adattament possibbli għall-ħtiġijiet tas-soċjetà ċivili, tingħata l-akbar libertà possibbli lill-kandidati potenzjali, tiġi appoġġjata l-kreattività tal-proġetti u jiġu kkunsidrati l-linji gwida politiċi ulterjuri.

1.5   Minkejja dan, jekk ma jistax ikun hemm ammont stabbilit minn qabel għall-prijoritajiet differenti, il-KESE jenfasizza l-importanza li wieħed ikun jista’ jkollu aċċess minn qabel għat-tqassim tal-baġit skont l-għanijiet, imqar għal skop ta’ informazzjoni biss.

1.6   Il-KESE jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummisjoni li lill-għan speċifiku marbut mad-droga ma tallokalux aktar mis-sehem tal-baġit li jistħoqqlu. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-impenji tagħha bis-sħiħ u f’dan ir-rigward jipproponi li l-fondi li ser jiġu rkuprati permezz tal-iffriżar u l-konfiska tal-prodotti li jkunu ġejjin mit-traffikar tad-droga, kif previst fid-Direttiva futura dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali, ikunu jistgħu jiffinanzjaw parti minn dan l-objettiv.

1.7   Minkejja l-kumplessità tar-regolament finanzjarju fis-seħħ, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-finanzjament isiru magħrufa miċ-ċittadini kollha interessati b’mod ċar u pedagoġiku, u bil-lingwi kollha tal-Unjoni. M’hemmx dubju li dan jiffavorixxi r-rilevanza tal-proġetti li, permezz ta’ hekk, jingħataw spinta ’l qudddiem, inkluż fl-Istati Membri li s’issa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-programmi magħżula. Fil-fatt, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun promoss aċcess indaqs għal dawn il-programmi għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

1.8   Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, l-idea ta’ valur miżjud Ewropew, li tikkostitwixxi kriterju essenzjali għall-għażla tal-programmi, għandha tiġi definita aħjar. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu mmirati b’mod aktar rigoruż is-sussidji għall-proġetti li l-valur miżjud Ewropew tagħhom ikun ġie stabbilit b’mod ċar minħabba l-ammont, li min-natura tiegħu huwa limitat tal-pakkett finanzjarju allokat għall-programm, għalkemm dan qed jiżdied, u l-KESE jilqa’ dan b’sodisfazzjon. Wieħed għandu jinkoraġġixxi l-proġetti transnazzjonali.

1.9   Peress li l-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jippreċiżaw ċerti aspetti essenzjali tal-implimentazzjoni tal-programm (b’mod partikolari t-tqassim tal-baġit), il-KESE jqis li l-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni taħt il-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni teħtieġ il-proċedura ta’ eżami, u mhux il-proċedura konsultattiva kif tistipula l-proposta attwali. B’hekk jista’ jkun garantit il-fatt li dawn il-programmi ma jiġux adottati mill-Kummissjoni jekk dawn ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit abbażi tar-Regolament Nru 182/2011 (magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri).

1.10   Filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu identifikati aħjar il-prijoritajiet fost l-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati (Artikolu 6), il-KESE jqis, b’mod partikolari, li l-enfasi għandha titpoġġa b’mod aktar ċar fuq il-ġustizzja elettronika, qasam fejn għad irid isir progress kbir fil-perspettiva ta’ aċċess iffaċilitat għaliha.

1.11   Il-KESE jilqa’ d-direzzjoni ġdida li tista’ tiġi nnutata fil-proposta attwali li għandha l-għan li tinkludi lil dawk kollha li jaħdmu fil-ġustizzja u, b’mod partikolari, l-avukati, fl-azzjonijiet ta’ taħriġ ġudizzjarju Ewropew: flimkien mal-imħallfin u l-maġistrati, dawn tal-aħħar jikkontribwixxu għall-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-Unjoni. Barra minn dan, dawn jiffurmaw l-ewwel punt ta’ aċċess għal-liġi għaċ-ċittadini involuti fi proċedimenti legali. Huma dawk li jiftħu l-proċedimenti.

1.12   Il-KESE jisħaq ukoll fuq il-bżonn urġenti li l-persuni differenti li huma professjonisti fil-liġi jiġu integrati fi ħdan in-netwerks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, permezz tal-appoġġ finanzjarju meħtieġ. Għal raġunijiet ta’ konsistenza mal-istimolu politiku reċenti favur it-tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża, il-KESE jistieden b’mod partikolari li jinstab rimedju malajr kemm jista’ jkun għal sitwazzjoni li huwa jqis mhux aċċettabbli: l-esklużjoni tal-avukati, bil-fatt jew bil-liġi, mill-biċċa l-kbira tan-netwerks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali.

1.13   Fil-perspettiva ta’ spazju komuni għad-drittijiet, u b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet relatati mal-familja, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala “boxxla ta’ armonizzazzjoni”. F’kuntest li għadu mmarkat minn kulturi u ideat ġuridiċi tassew differenti, il-KESE, f’diversi okkażjonijiet, u aktar reċentement fil-qasam tar-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (2), enfasizza wkoll l-importanza li jiġi promoss l-użu ta’ sistema Ewropea addizzjonali u fakultattiva (imsejħa t-28 reġim).

2.   Il-kontenut tal-proposta

2.1   Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas in-numru tal-programmi ta’ finanzjament tagħha maħsuba biex jikkonkretizzaw l-ispazju Ewropew tad-drittijiet u tal-ġustizzja b’tali mod li kulħadd, kemm iċ-ċittadini, kemm l-imsieħba kif ukoll dawk li jeżerċitaw professjoni fil-kamp tal-liġi, jista’ jkun jaf id-drittijiet tiegħu u jkun jaf kif jeżerċitahom jew japplikahom. Biswit il-Programm dwar id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza (3), il-Programm dwar il-Ġustizzja għall-perjodu 2014-2020 jgħaqqad il-programmi “Ġustizzja Ċivili”, “Ġustizzja Kriminali”, u “Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga”.

2.2   Din il-Proposta għal Regolament tagħti lil dan il-programm pakkett finanzjarju ta’ EUR 472 miljun, li għandu jippermetti l-finanzjament tal-attivitajiet li fihom l-intervent tal-Unjoni jġib valur miżjud meta mqabbel ma’ azzjoni iżolata tal-Istati Membri. L-għan ġenerali huwa li jsir kontribut għall-ispazju Ewropew tal-ġustizzja filwaqt li tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kriminali. Dan l-għan għandu jiġi maqsum f’għanijiet speċifiċi: l-appoġġ għall-applikazzjoni tajba tal-leġislazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam (abbażi tal-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE), l-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja, u l-prevenzjoni u t-tnaqqis tad-domanda għad-droga, fejn dan l-aħħar aspett m’għandux jiġi ttrattat aktar mill-perspettiva tas-saħħa imma minn dak tal-ġlieda kontra l-kriminalità (abbażi tal-Artikolu 84 tat-TFUE).

2.3   Dawn l-għanijiet jiġġustifikaw, b’mod partikolari, l-appoġġ li jingħata lill-attivitajiet ta’ taħriġ maħsuba għall-maġistrati u għall-persunal tal-ġustizzja, inklużi l-avukati u n-nutara, lill-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni f’forma ta’ netwerks li jipparteċipaw fl-għarfien reċiproku u f’fiduċja reċiproka, u lill-azzjonijiet immirati lejn is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

2.4   Il-pakkett finanzjarju għandu jservi wkoll għall-finanzjament ta’ bażi analitika sabiex jiġu appoġġjati u żviluppati l-politiki tal-Unjoni. Għal aktar flessibbiltà, il-proposta ma tistipula l-ebda ammont speċifiku għal kull qasam ta’ azzjoni.

2.5   Il-prijoritajiet annwali tal-programm jiġu adottati mill-Kummissjoni taħt forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fil-qafas tal-proċedura konsultattiva.

2.6   Il-proposta tipprevedi l-obbligi fil-qasam ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni (inkluża dik “intermedja”).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   It-twaqqif ta’ spazju Ewropew għall-ġustizzja jirrappreżenta benefiċċju pubbliku għall-UE, fejn kulħadd, kemm jekk ċittadin u kemm jekk imsieħeb, huwa mistieden biex japprezza l-vantaġġi. Fil-fatt dan jaffettwa aspetti essenzjali mill-ħajja u mill-prattiki ta’ kuljum (id-divorzju, id-dritt għall-akkomodazzjoni u l-aċċess għat-tfal, is-suċċessjoni, it-tutela, it-tilwim kummerċjali, it-tilwim tal-konsumaturi, eċċ., iżda wkoll ir-rispett tad-drittijiet fil-qasam kriminali) u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà fl-ispazju Ewropew billi jippromovi l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

3.2   Filwaqt li jfakkar il-komplementarità funzjonali bejn il-Programm dwar il-Ġustizzja mal-Programm dwar id-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza, il-KESE jqis li ż-żona Ewropea ta’ ġustizzja u libertà mhux ser tikseb is-sinifikat tagħha ħlief fid-dawl tad-drittijiet li fil-prattika kull ċittadin tal-UE ser ikollu aċċess għalihom, irrispettivament minn fejn jinsab, u għalhekk dan il-programm għandu jiġi vvalutat skont dawn id-drittijiet.

3.3   Fil-perspettiva ta’ spazju komuni għad-drittijiet, u b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet relatati mal-familja, il-KESE jsostni l-ħtieġa li ssir referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala “boxxla ta’ armonizzazzjoni”. F’kuntest li għadu mmarkat minn kulturi u ideat ġuridiċi tassew differenti, il-KESE, f’diversi okkażjonijiet, u aktar reċentement fil-qasam tar-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (4), enfasizza wkoll l-importanza li jiġi promoss l-użu ta’ sistema Ewropea addizzjonali u fakultattiva (imsejħa t-28 reġim). Il-ħolqien ta’ reġim bħal dan jippermetti li jinkiseb progress fir-rikonoxximent tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE permezz ta’ ġlieda effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet li dawn jistgħu jisfaw vittmi tagħhom fil-każijiet fejn il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li jiddependu minnu jagħtihom anqas drittijiet minn Stati Membri oħra.

3.4   Ir-rispett tad-drittijiet fl-UE, u partikolarment tad-drittijiet fundamentali, li għalih għandha tikkontribwixxi l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kriminali, huwa għan fih innifsu. Madankollu, l-effett mifrux fuq is-suq uniku f’termini ta’ tkabbir u ta’ impjieg jista’ jkun sinifikanti u għandu jiġi żviluppat, b’mod partikolari billi jingħata appoġġ għall-isforz ta’ taħriġ tal-professjonisti tal-liġi (5). Fil-fatt, il-KESE jfakkar li, għall-intrapriżi, kooperazzjoni aħjar fil-qasam ċivili, u b’hekk soluzzjoni aktar rapida tat-tilwim transkonfinali, ikollha impatt konsiderevoli fuq id-dinamiżmu tal-attività transkonfinali tagħhom.

3.5   Jekk ix-xogħlijiet ta’ valutazzjoni wrew l-effikaċja tal-programmi preċedenti (“Ġustizzja Ċivili”, “Ġustizzja Kriminali” u “Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga” għall-perjodu 2007-2013), it-tnaqqis fin-numru tagħhom, u għalhekk fil-proċeduri tal-ġestjoni, huwa pożittiv fih innifsu. It-twettiq ta’ għanijiet differenti għandu jiġi ffaċilitat. Lil hinn mill-armonizzazzjoni tal-proċeduri, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li titnaqqas il-kumplessità intrinsika tagħhom.

3.6   B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ b’mod tassew favorevoli l-miżura ta’ simplifikazzjoni u ta’ razzjonalizzazzjoni li tirrappreżenta l-fużjoni tal-programmi “Ġustizzja Ċivili” u “Ġustizzja Kriminali”, ġustifikata mill-abbandun tat-tielet pilastru fit-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll mill-prossimità tal-għanijiet, tal-atturi u tat-tipi ta’ azzjoni li għandhom jiġu ffinanzjati f’dawn iż-żewġ oqsma tal-liġi (partikolarment fil-qasam tal-ġustizzja onlajn u tat-taħriġ).

3.7   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu mħeġġa proġetti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, partikolarment fl-Istati Membri li s’issa ftit li xejn għadhom ibbenefikaw mis-sussidji disponibbli. Minħabba li dan is-settur huwa relattivament reċenti, l-approċċ Ewropew f’dan il-qasam għadu mhux ċar u jistħoqqlu jiġi żviluppat.

3.8   Rigward il-programm “Prevenzjoni u Informazzjoni dwar id-Droga“, li l-bażi legali tiegħu hija marbuta mas-saħħa pubblika, il-KESE, min-naħa l-oħra, huwa aktar riżervat. Filwaqt li huwa kkonċernat li l-aspetti marbuta mas-saħħa pubblika jibqgħu jiġu koperti, jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-irduppjar li żgur iġib miegħu approċċ orjentat purament lejn ir-ripressjoni mal-attivitajiet iffinanzjati fil-qafas tal-Fond futur għas-Sigurtà Interna. Itenni l-messaġġ tiegħu dwar l-importanza li fil-qasam tal-ġlieda kontra d-droga jiġi żviluppat approċċ li għall-ewwel ikun wieħed ta’ prevenzjoni, li jagħti l-possibbiltà lil dawk li huma dipendenti mid-drogi li jingħataw l-għajnuna u l-kura. Hemm bżonn li l-imħallfin u l-avukati jiġu sensibilizzati f’dan ir-rigward.

3.9   Sabiex l-għan speċifiku marbut mad-droga ma jirċivix sehem sproporzjonat mill-ammont globali, il-KESE jipproponi li dan il-għan ikun jista’ jiġi parzjalment iffinanzjat mill-fondi li ser jiġu rkuprati permezz tal-iffriżar u l-konfiska tal-prodotti li jkunu ġejjin mit-traffikar tad-droga, kif previst fid-Direttiva futura dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali (6).

3.10   Għalkemm ikompli jistaqsi dwar il-limitu preċiż tal-azzjonijiet li ser ikunu ffinanzjati fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità marbuta mat-traffikar illegali tad-droga, il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-pakkett finanzjarju ta’ EUR 472 miljun previst għat-twettiq ta’ dan il-programm jidher li jimmarka żieda notevoli fl-appoġġ tal-Kummissjoni.

3.11   B’mira li l-baġit tal-UE jintuża verament għall-finanzjament tal-“oġġetti pubbliċi tal-UE” kif ukoll l-“azzjonijiet (…) fl-oqsma fejn dan jista’ jiggarantixxi riżultati aqwa” (7), il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li jiġu ffukati aħjar ir-riżorsi fuq il-proġetti li jistgħu jibbenefikaw minn valur miżjud Ewropew (Artikolu 3), b’mod partikolari fil-qasam kriminali, qasam li fih l-Istati Membri għadhom juru ċerti riżervi fir-rigward tal-intervent tal-liġi Komunitarja.

3.12   Għall-finijiet ta’ allokazzjoni effikaċi tal-fondi li ġejjin mill-baġit Ewropew, il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza, il-kumplementarjetà u s-sinerġiji bejn il-programmi differenti ta’ finanzjament, u partikolarment mal-programm “Drittijiet u Ċittadinanza” għall-perjodu 2014-2020. Min-naħa l-oħra, ir-riskji ta’ rduppjar għandhom ikunu suġġetti għal sorveljanza akbar.

3.13   Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-proġetti, li kollha ntgħażlu fil-qafas tal-programmi annwali ta’ ħidma, jistgħu jiġu estiżi fuq diversi snin, billi dan iħallilhom iż-żmien sabiex jibdew u jilħqu l-għanijiet tagħhom. Filwaqt li jidhirlu li l-prinċipju ta’ kofinanzjament hu tajjeb, huwa jistaqsi dwar il-validità tal-modulazzjoni eventwali tiegħu (8).

3.14   Minkejja l-kumplessità tar-regolament finanzjarju fis-seħħ, il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-finanzjament jsiru magħrufa maċ-ċittadini kollha interessati b’mod ċar u pedagoġiku, u bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Il-KESE jqis li jista’ jkun ta’ benefiċċju partikolari jekk l-idea ta’ valur miżjud Ewropew tkun aktar iffukata. M’hemmx dubju li dan jiffavorixxi r-rilevanza tal-proġetti li permezz ta’ hekk jingħataw spinta, inkluż fl-Istati Membri li s’issa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-programmi magħżula. Fil-fatt, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun promoss aċcess indaqs għal dawn il-programmi għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

3.15   Bl-istess mod, il-KESE huwa sorpriż kif m’hemm l-ebda tqassim tal-baġit, lanqas tqassim indikattiv, skont l-għanijiet speċifiċi, fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġislattiva. Mingħajr ma jqajjem mistoqsijiet dwar il-ħtieġa leġittima ta’ flessibbiltà fil-ġestjoni tal-fondi, huwa jenfasizza l-importanza li jkun hemm indikazzjoni minn qabel f’dan ir-rigward.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew

4.1.1   Minħabba li ma jista’ jsir l-ebda progress reali fin-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka, il-KESE jħeġġeġ l-appoġġ għall-azzjonijiet li għandhom l-għan li jdaħħlu kultura Ewropea komuni, li b’mod determinat tkun immirata lejn il-prattika u l-eżerċizzju tal-liġi, u appoġjata minn għarfien u fehim tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali. Sabiex l-għajnuna reċiproka taħdem fl-UE, huwa indispensabbli li tiġi żgurata b’mod partikolari l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni involuti f’tilwim fis-sistemi nazzjonali l-oħra.

4.1.2   Il-KESE jqis li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ta’ dawk li jipprattikaw il-liġi huwa aspett essenzjali tal-programm il-ġdid, li jistħoqqlu jiġi aktar enfasizzat. Il-liġi Ewropea tbati minn applikazzjoni li għadha wisq differenti skont l-Istati Membri, ħafna drabi minħabba nuqqas ta’ interess u ta’ sensibilizzazzjoni ta’ dawk li jipprattikaw fil-konfront tagħha. Fil-qasam tad-dwana, dan huwa tassew evidenti. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li l-appooġġ għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jiżdied b’mod konsiderevoli. Dan huwa aktar u aktar essenzjali fir-rigward tal-għan stabbilit mill-Kummissjoni: li, minn issa sal-2020, jiġu mħarrġa 20 000 persuna li jeżerċitaw professjoni fil-qasam tal-liġi fis-sena, jiġifieri total ta’ 700 000 persuna (9). Kif il-Kummissjoni għandha raġun tenfasizza, it-taħriġ lingwistiku huwa kundizzjoni indispensabbli sabiex dawk li jeżerċitaw professjoni fil-qasam tal-liġi jkunu jistgħu jikkomunikaw aħjar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ Ġustizzja u Libertà.

4.1.3   Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li b’mod partikolari l-avukati jiġu assoċjati mal-azzjonijiet ta’ taħriġ, u dan jidher aktar u aktar ġustifikat peress li, f’ċerti Stati Membri, it-taħriġ tagħhom huwa l-istess bħal dak tal-maġistrati. L-avukati jirrappreżentaw l-ewwel punt ta’ aċċess għal-liġi. L-aċċess għall-imħallef ta’ persuni akkużati b’delitt jiddependi mill-pariri siewja tagħhom. Bl-istess mod bħall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi, huma għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn inizjattivi ta’ finanzjament tal-UE. Minn dan tiddependi l-kwalità tal-aċċess għall-ġustizzja fl-ispazju tal-liġi Ewropea. Barra minn dan, fir-rigward ta’ bilanċ aħjar favur id-drittijiet tad-difiża, din il-parteċipazzjoni hija indispensabbli.

4.1.4   Filwaqt li jiddispjaċih għall-konfużjoni li jġib miegħu t-terminu “persunal tal-ġustizzja” (10), il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni talli ppreċiżat, f’din il-Proposta għal Regolament, li dan it-terminu jinkludi lill-professjonisti kollha tal-liġi, inklużi l-avukati u lin-nutara, peress li dawn jagħtu kontribut essenzjali għall-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-Unjoni. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tidher determinata li ssegwi dan l-approċċ fil-qafas tal-proġett pilota dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew li ser jitnieda din is-sena.

4.1.5   Il-KESE jqis li jkun aħjar li jiġu definiti ċerti kriterji oġġettivi li għandhom jikkonformaw magħhom il-programmi ta’ taħriġ sabiex dawn ikunu eliġibbli. Fosthom, huwa indispensabbli li dan it-tagħlim jagħmel referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-konformità ta’ dawn il-programmi mal-kriterji li jkunu ġew stabbiliti għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ u għal kontroll regolari u fil-fond. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-allokazzjoni ta’ dawn is-sussidji tiġi kkundizzjonata għall-kwalità intrinsika tal-programmi, li ser ikollhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni bir-reqqa.

4.1.6   Għall-KESE, huwa partikolarment importanti li l-programmi ta’ taħriġ ġudizzjarju maħsubin għall-imħallfin u għall-avukati jindirizzaw l-aspetti speċifiċi marbutin mat-tossikodipendenza u jippermettu l-iżvilupp ta’ approċċ ġudizzjarju li jkun jorbot ma’ approċċ sanitarju u soċjali, orjentat lejn il-prevenzjoni mir-reċidività.

4.2   Dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali

4.2.1   Il-KESE jitlob li jinstab rimedju mill-aktar fis possibbli għal sitwazzjoni li għalih mhijiex aċċettabbli: l-esklużjoni tal-avukati min-netwerks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Filwaqt li n-netwerk ġudizzjarju fil-qasam kriminali jiddependi mill-Eurojust u ma jidħolx fil-qafas ta’ dan il-programm, xorta waħda huwa importanti li l-avukati jkollhom aċċess għalih. Il-limitazzjonijiet finanzjarji ma jistgħux jiġġustifikaw l-iżbilanċ attwali favur il-prosekuzzjoni. Anke jekk limitati, il-mezzi għandhom jippermettu li tiġi rrispettata l-ugwaljanza għall-partijiet fil-każ ta’ kawżi transkonfinali.

4.2.2   Din il-ħtieġa titlob, partikolarment fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li l-avukati jkunu f’pożizzjoni li jidentifikaw ta’ malajr avukat kompetenti fi Stat Membru ieħor, li jista’ jkollu aċċess għall-fajl u jagħti pariri dwar l-aspetti tal-liġi proċedurali nazzjonali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, u b’mod aktar ġenerali dwar l-aspetti lokali tal-kawża. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti mill-Proposta għal Direttiva dwar id-dritt ta’ aċċess għal avukat fil-qafas tal-proċedimenti kriminali, li jistabbilixxu l-prinċipju ta’ aċċess għal żewġ avukati fil-qafas ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (wieħed fl-Istat Membru emittenti, u l-ieħor fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni), jikkostitwixxu argument addizzjonali, jekk dan ikun meħtieġ, sabiex tkun ġustifikata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-avukati fin-netwerks Ewropej ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, il-KESE huwa sodisfatt mill-appoġġ li n-netwerk transkonfinali ta’ avukati tad-difiża tal-futur ser ikun jista’ jagħti lix-xogħol ta’ numru dejjem akbar ta’ avukati impenjati f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ effikaċja, huwa jitlob li l-Kummissjoni timpenja ruħha finanzjarjament, skont il-ħtieġa, favur it-tisħiħ tiegħu.

4.2.3   Bl-istess mod, rigward in-netwerk ġudizzjarju fil-qasam ċivili u kummerċjali, il-KESE jikkundanna l-fatt li l-avukati u n-nutara fil-prattika huma emarġinati, filwaqt li t-testi jistipulaw, mill-1 ta’ Jannar 2011, li dan in-netwerk għandu jkun miftuħ għal dawn il-professjonisti, kif ukoll għall-uffiċjali ġudizzjarji, li huma wkoll professjonijiet li jipparteċipaw b’mod dirett fl-applikazzjoni tal-atti Komunitarji u l-istrumenti internazzjonali. Għal darb’oħra, il-funzjonament tajjeb tan-netwerk jitlob appoġġ finanzjarju suffiċjenti.

4.2.4   Fir-rigward tal-varjetà ta’ inizjattivi min-naħa ta’ numru ta’ professjonisti tal-liġi, taħt il-forma ta’ strutturi żgħar li sikwit ikunu jiswew ħafna, il-KESE jirrakkomanda li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-koerenza kif ukoll il-koordinazzjoni ta’ dawn in-netwerks, bil-ħsieb li jinħolqu “ċrieki ta’ koerenza” (11) li fuqhom tkun tista’ tistrieħ arkitettura ġudizzjarja Ewropea reali.

4.3   Ġustizzja elettronika

4.3.1   Id-dematerjalizzazzjoni tal-ġustizzja hija aspett essenzjali li skont il-KESE mhijiex enfasizzata biżżejjed fil-proposta attwali. L-impatt tagħha fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, inkluż għaċ-ċittadini li jinstabu f’sitwazzjoni soċjali diffiċli jew ta’ diżabbiltà, ħaqqu jiġi analizzat bir-reqqa. Fl-interess komuni kemm taċ-ċittadini involuti fi proċedimenti legali u kemm ta’ dawk li jipprattikaw il-liġi, għad irid isir progress kbir f’dan il-qasam.

4.3.2   F’dan ir-rigward, il-KESE qed jistenna direzzjoni ċara mingħand il-Kummissjoni: il-promozzjoni tal-għodda disponibbli fil-qasam tal-ġustizzja elettronika s’issa tidher aktar immirata lejn il-pubbliku milli lejn il-professjonisti. Bil-ħsieb li tkun garantita l-kwalità tad-deċiżjonijiet tal-qrati u l-konformità tagħhom mal-liġi Ewropea, għaldaqstant huwa essenzjali li jiġi faċilitat u mħeġġeġ ir-rikors għal dawn l-għodod minn dawk li jipprattikaw il-liġi, li għandhom ikunu mħarrġa għal dan il-għan.

4.3.3   Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-pakkett finanzjarju previst minn din il-proposta jista’ jikkontribwixxi sabiex ikunu pperfezzjonati n-netwerks tal-informatika f’dan il-qasam (Artikolu 8(2)). B’mod partikolari, għandu f’moħħu t-twaqqif ta’ mutur ta’ riċerka għall-avukati fuq il-portal tal-ġustizzja elettronika, u l-proġett e-CODEX, sabiex tinħoloq l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali ta’ ġustizzja elettronika. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex ikunu garantiti s-sigurtà u l-effikaċja ta’ dawn in-netwerks, l-identità professjonali tal-avukati għandha tista’ tkun iċċertifikata mill-avukaturi.

4.4   Indikaturi

4.4.1   Jidher biċ-ċar li l-indikaturi għandhom ikunu soġġetti għal riflessjoni aktar fil-fond. Il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni, sadanittant, bdiet din ir-riflessjoni kemm rigward il-monitoraġġ fuq bażi annwali u kemm rigward l-istima intermedja u finali. B’mod partikolari, rigward l-aċċess għall-ġustizzja, il-kriterju purament suġġettiv (il-mod kif dan l-aċċess jiġi osservat fl-Ewropa) għandu jiġi kkomplementat. Fil-qasam tat-taħriġ, jidher rilevanti li jittejbu s-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, li għandhom jinkludu l-universitajiet, l-istituti ta’ taħriġ ġudizzjarju u l-avukaturi. Għalkemm jidher li dawn ser jonqsu matul it-twettiq tal-programm, l-ispejjeż dedikati għall-attivitajiet ta’ kontroll (fis-sens wiesa’ tal-kelma), li fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġislattiva huma stmati bejn 3 u 6 % tal-baġit totali, skont il-KESE ħaqqhom ikunu soġġetti għal limitazzjoni.

4.5   Termini ta’ adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali

4.5.1   Rigward il-programmi ta’ ħidma annwali li l-Kummissjoni tadotta taħt il-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-KESE għandu d-dubji dwar l-għażla tal-proċedura konsultattiva. Huwa jqis li l-proċedura ta’ eżami, li tiggarantixxi li dawn il-programmi ma jiġux adottati mill-Kummissjoni jekk ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit abbażi tar-Regolament Nru 182/2011 (magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri), hija aktar adatta.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-droga, li ġiet adottata fl-24 ta’ Mejju 2012 (ĠU C 229, 31.07.2012, p. 85).

(2)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 87–91.

(3)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 108-110.

(4)  Ara nota nru 2 f’ qiegħ il-paġna.

(5)  Fir-rapport tiegħu “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku” (9 ta’ Mejju 2010), Mario Monti wera l-importanza tal-applikazzjoni tajba tal-liġi tal-Unjoni u tat-taħriġ tal-maġistrati f’dan il-qasam sabiex tittejjeb l-effikaċja tas-suq uniku (Għadha mhux disponibbli fil-ĠU).

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE (ara p. tal-aħħar edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċċjali).

(7)  COM(2010) 700 final.

(8)  Attwalment hija meħtieġa żieda ta’ 20 % biex jinkisbu t-80 % li jibqgħu f’forma ta’ sussidji.

(9)  COM(2011) 551 final.

(10)  Skont l-Artikoli 81 (2)(h) u 82 (1)(c) tat-TFUE, li rispettivament jibbażaw fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kriminali, u li jfakkru fit-termini “maġistrati u persunal tal-ġustizzja”.

(11)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar it-taħriġ ġudizzjarju (2012/2575(RSP)).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża”

COM(2011) 750 final — 2011/0365 (COD)

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil”

COM(2011) 751 final — 2011/0366 (COD)

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi”

COM(2011) 752 final — 2011/0367 (COD)

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji”

COM(2011) 753 final — 2011/0368 (COD)

2012/C 299/20

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar is-16 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża

COM(2011) 750 final – 2011/0365(COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil

COM(2011) 751 final – 2011/0366 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi

COM(2011) 752 final – 2011/0367 (COD)

 

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji

COM(2011) 753 final – 2011/0368 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Kummenti ġenerali

1.1

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit għall-affarijiet interni għall-2014-2020 huma fundamentali sabiex tinħoloq Żona ta’ Sigurtà, Libertà u Ġustizzja kif ukoll Ewropa aktar miftuħa, sigura u bbażata fuq is-solidarjetà. Il-KESE jappoġġja l-fatt li tissaħħaħ l-importanza tal-Fondi għall-Ażil, il-Migrazzjoni u s-Sigurtà Interna fi ħdan il-baġit.

1.2

Il-Kumitat iqis li l-Unjoni Ewropea tagħti valur miżjud kbir lil dawn il-politiki, peress li l-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, l-ażil u t-theddidiet għas-sigurtà huma oqsma li l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw huma nfushom.

1.3

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tipproponi l-kondiviżjoni tal-ġestjoni u approċċ orjentat lejn ir-riżultati, waqt li jitfasslu programmi multiannwali fil-kuntest ta’ djalogu politiku ta’ livell għoli, sabiex il-programmi nazzjonali jkunu konsistenti mal-għanijiet politiċi u l-prijoritajiet tal-UE.

1.4

Huwa essenzjali li l-azzjonijiet iffinanzjati kollha jkunu bbażati fuq il-politiki (l-għanijiet taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja) ikollhom valur miżjud Ewropew u jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet politiċi tal-UE.

1.5

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tissemplifika l-istrumenti finanzjarji permezz tal-ħolqien ta’ żewġ Fondi, wieħed għall-Migrazzjoni u l-Ażil (1), u l-ieħor għas-Sigurtà Interna (2), li huma akkumpanjati minn Regolament orizzontali, b’għadd ta’ regoli komuni dwar l-ipprogrammar, l-informazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-kontroll u l-evalwazzjoni (3).

1.6

Il-KESE jappoġġja l-qafas orizzontali komuni li jissemplifika b’mod sinifikanti s-sistema attwali, jipprovdi aktar flessibbiltà lill-ġestjoni finanzjarja u l-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll isaħħaħ is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

1.7

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ammont bażiku u ieħor varjabbli jew flessibbli meta jitqassmu r-riżorsi finanzjarji fost l-Istati Membri.

1.8

Għandhom jittejbu s-sistemi li jevalwaw ir-riżultati, bl-użu ta’ indikaturi adegwati, u għalhekk għandhom jiġu ffinanzjati l-ħidmiet indipendenti taċ-ċentri ta’ riċerka u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.9

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-programmi nazzjonali jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ sħubija, iżda jqis li għandhom jittejbu s-sistemi ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha: tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali. Il-prinċipju ta’ sħubija għandu jkun ippreċiżat fir-regolamenti sabiex ma jkunx jiddependi mir-regoli u l-prattiki nazzjonali.

1.10

Il-KESE, li jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE fl-iżvilupp tal-politiki tal-immigrazzjoni u l-ażil, jimpenja ruħu b’mod speċjali fl-attivitajiet tal-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni. Għalhekk jenfasizza l-importanza tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil għall-integrazzjoni tal-immigranti u r-refuġjati u jqis li l-politiki tal-integrazzjoni għandhom ukoll jiġu kkomplementati bir-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew.

1.11

Il-KESE jipproponi li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji għall-“Azzjonijiet tal-Unjoni”, peress li għandhom valur miżjud kbir Ewropew. Għal dawn l-azzjonijiet hemm bżonn li jiġu allokati 20 % tal-Fond, u l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu mal-KESE u mal-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni, waqt li jitqies li permezz ta’ dan l-istrument finanzjarju ser jissaħħu l-attivitajiet tal-Forum u jiġu appoġġjati n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali.

1.12

Il-KESE ppropona li fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jinħolqu forums u pjattaformi li fihom jipparteċipaw l-organizzzzjonijiet tal-immigranti u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. Il-funzjonament ta’ dawn l-attivitajiet għandu jiġi ffinanzjat mir-riżorsi tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil.

1.13

Il-KESE jikkunsidra li l-politiki tal-integrazzjoni, b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali taċ-ċittadini Ewropej, tal-minoranzi u tal-immigranti, għandhom ukoll jiġu kkomplementati bir-riżorsi finanzjarji tal-Fond Soċjali Ewropew.

1.14

L-Ewropa għandha tirreaġixxi b’mod deċiżiv għaż-żieda fir-razziżmu u l-ksenofobija fir-rigward tal-immigranti. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu aktar attivi kontra din l-imġiba u dawn l-ideoloġiji.

1.15

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom ikunu totalment garantiti fl-azzjonijiet kollha li jiġu ffinanzjati mill-Fondi għall-Migrazzjoni u l-Ażil u għas-Sigurtà Interna.

1.16

Il-Kumitat jixtieq li jitjieb il-bilanċ bejn il-libertà u s-sigurtà. L-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ tkun soċjetà ħielsa u miftuħa, ibbażata fuq l-istat tad-dritt, u qatt m’għandha tissagrifika l-valuri tal-libertà u tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

1.17

Il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn li r-Regolament jassigura rwol aktar attiv għas-soċjetà ċivili organizzata meta jiġu evalwati l-impatt, l-effettività u l-valur miżjud tal-inizjattivi u l-azzjonijiet previsti fl-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà Interna.

2.   Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil: l-approċċ tas-soċjetà ċivili

2.1

B’mod ġenerali, il-Kumitat huwa favur l-inizjattivi u l-linji baġitarji proposti mill-Kummissjoni u jappoġġja l-fatt li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ sħubija.

2.2

Il-KESE jqis b’interess speċjali l-proposti li jinsabu fil-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, u jipproponi li, matul in-negozjati fi ħdan il-Kunsill, l-Istati Membri japprovaw il-kwantitajiet proposti mill-Kummissjoni mingħajr ma dawn jitnaqqsu, peress li l-kwistjonijiet tal-ażil, il-migrazzjoni, l-integrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għandhom bżonn ir-riżorsi neċessarji, speċjalment matul il-kriżi ekonomika.

2.3

B’differenza għas-sistema baġitarja attwali, ir-rwol tal-Parlament Ewropew (PE) ser ikun deċiżiv, peress li huwa koleġislatur, u jkun jista’ jevalwa demokratikament l-inizjattivi kollha u jassigura l-valur miżjud Ewropew.

2.4

Il-KESE jikkunsidra li l-PE għandu jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-prijoritajiet politiċi li ser jirċievu finanzjament, anke fil-livell nazzjonali. Il-proċess politiku li matulu jiġu approvati r-Regolamenti għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u organizzata permezz tal-prinċipju ta’ sħubija u l-ħolqien ta’ fora u pjattaformi kif ukoll ta’ valutazzjonijiet indipendenti.

2.5

Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet il-ġodda fir-Regolamenti li jgħinu lis-soċjetà ċivili taċċessa s-sussidji, iżda jirrakkomanda li l-proċeduri jkunu aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll l-organizzazzjonijiet iż-żgħar u b’hekk jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji.

2.6

Is-soċjetà ċivili tagħti valur miżjud kbir fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet abbażi ta’ rapporti indipendenti u sabiex jitwettqu l-istudji u l-evalwazzjonijiet tal-politiki. Huma l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom esperjenza vasta u għarfien tar-realtà fil-livell lokali u għalhekk jafu tajjeb il-mod li bih jitwettqu l-azzjonijiet.

2.7

Il-KESE jikkunsidra li l-prinċipju ta’ sħubija huwa ass ċentrali tal-qafas finanzjarju l-ġdid, li għandu jiggarantixxi approċċ aktar parteċipattiv mill-partijiet interessati kollha: l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

2.8

Il-prinċipju ta’ sħubija għandu jiġi implimentat matul il-fażijiet kollha, mill-preparazzjoni u l-implimentazzjoni sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-finanzjament mogħti, waqt li jiġu inklużi kemm l-Istati Membri kif ukoll l-azzjonijiet tal-UE (4).

2.9

Il-KESE jappoġġja l-fatt li fir-Regolament Finanzjarju, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li joħolqu sħubijiet mal-awtoritajiet u l-korpi kompetenti bil-għan li jiġu żviluppati u implimentati l-programmi nazzjonali. Fost dawn l-awtoritajiet u l-korpi għandhom jiġu inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili (l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, l-organizzazzjonijiet tal-immigranti u l-imsieħba soċjali) u l-organizzazzjonijiet internazzjonali (UNHCR, OIM, eċċ.).

3.   Il-prijoritajiet u d-djalogu politiku

3.1

Il-KESE jindika li “djalogu politiku” huwa fundamentali sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-programmi nazzjonali, iżda jqis li, apparti l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, il-partijiet interessati istituzzjonali Ewropej kollha (il-PE, il-KESE u l-KtR) għandhom jieħdu sehem fid-djalogu.

3.2

Fil-kuntest tad-djalogu politiku, kemm il-KESE kif ukoll il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni għandu jkollhom rwol konkret sabiex jidentifikaw il-prijoritajiet u l-objettivi għall-finanzjament u jiġu megħluba l-ostakli. Il-Forum u l-KESE jistgħu jsaħħu l-valur miżjud Ewropew tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil fl-ipprogrammar multiannwali ta’ kull Stat Membru.

3.3

Il-Forum u l-KESE għandhom jiġu kkonsultati wkoll meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-azzjonijiet transnazzjonali jew li għandhom interess speċjali għall-Unjoni Ewropea, kif ukoll meta ssir ir-reviżjoni intermedja tal-azzjonijiet speċifiċi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi wkoll sħubija mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, fil-qafas tal-“Azzjonijiet tal-Unjoni”.

3.4

Il-KESE jipproponi wkoll li l-qafas finanzjarju l-ġdid jiggarantixxi li l-Istati Membri kollha jniedu djalogu strutturat u plurali fil-livell nazzjonali mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi sabiex ikollhom rwol importanti meta jistabbilixxu l-prijoritajiet nazzjonali qabel id-djalogu mal-Kummissjoni Ewropea.

4.   Programmar u ġestjoni

4.1

Il-KESE jikkunsidra li għandha tiżdied il-kapaċità finanzjarja tal-“azzjonijiet tal-Unjoni” li huma l-fondi destinati għal attivitajiet ta’ natura politika prijoritarja (li jappoġġjaw il-leġislazzjoni u l-koordinazzjoni politika) kif ukoll il-proġetti li fihom is-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali għandhom rwol x’jaqdu. Għal dan il-għan, il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea għandha 20 % tal-baġit totali tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil. Għall-ġestjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tniedi djalogu aktar attiv mal-KESE, mal-Forum u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.2

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-programmi nazzjonali tkun tkopri 75 % tat-total tal-infiq eliġibbli tal-proġetti, li jistgħu jkunu wkoll ikkofinanzjati minn sorsi pubbliċi jew privati.

4.3

Huwa favur ukoll il-possibbiltà li l-kontribuzzjoni tiżdied għal 90 % skont il-prijoritajiet strateġiċi mfissra f’kull wieħed mir-Regolamenti speċifiċi jew “f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, b’mod partikolari jekk il-proġetti ma setgħux ġew implimentati b’mod ieħor u l-għanijiet tal-programm nazzjonali ma kinux jintlaħqu.” Hawnhekk għandha tingħata prijorità lill-azzjonijiet u l-proġetti mwettqa mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi żgħar.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-għan li l-piż amministrattiv jiġi ssemplifikat u jitnaqqas, u li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi u l-proġetti jsiru prijorità kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. Huwa essenzjali li tiġi ggarantita evalwazzjoni indipendenti u tal-ogħla kwalità, flimkien mas-soċjetà ċivili organizzata, u li l-evalwazzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi finanzjarji neċessarji.

4.5

Abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni pprovduti mill-Istati Membri (rapport provviżorju fl-2017 u rapport ieħor ex post fl-2023), il-Kummissjoni ser tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-KESE u lill-KtR dwar l-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolamenti. Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tingħata rwol fl-evalwazzjoni u għalhekk ser jipproponi lill-Kummissjoni li torganizzata sistema strutturata ta’ konsultazzjoni kif ukoll li ssejjaħ Konferenza

4.6

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ammont bażiku u ieħor varjabbli jew flessibbli meta jitqassmu r-riżorsi finanzjarji fost l-Istati Membri. Fir-rigward tal-ammont flessibbli, il-KESE jqis essenzjali li kull Stat Membru jfassal il-programm annwali tiegħu b’konformità mal-prijoritajiet tal-UE u jkun jinkludi l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra.

4.7

Fir-rigward tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-KESE jqis li l-ħolqien ta’ fora u/jew pjattaformi nazzjonali, reġjonali u lokali ta’ immigrazzjoni u integrazzjoni, li fihom jipparteċipaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom jiġu inklużi espressament bħala azzjoni prijoritarja, u ffinanzjati permezz ta’ ammont varjabbli.

4.8

Għandu jkun hemm aktar trasparenza fl-allokazzjoni tal-perċentwali tal-Fond li jiġu ddedikati għal kull wieħed mill-għanijiet speċifiċi, bil-għan li jiġi assigurat bilanċ fil-livell nazzjonali.

4.9

Ir-riżorsi finanzjarji għall-“azzjonijiet tal-Unjoni” għandhom jiġu allokati mhux biss għall-assistenza ta’ emerġenza, in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, l-assistenza teknika u l-implimentazzjoni ta’ kompiti operattivi speċifiċi mill-aġenziji tal-Unjoni, iżda wkoll għall-appoġġ tal-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni u għan-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali.

4.10

Il-KESE ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġu ffinanzjati biss il-proġetti ta’ riċerka meqjusa bħala “innovattivi” mil-lat tal-applikazzjoni tagħhom mis-servizzi u l-forzi tas-sigurtà. Għandu jinżamm l-appoġġ għal proġetti ta’ riċerka li fihom jipparteċipaw is-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u li jivvalutaw il-politiki ta’ sigurtà u ta’ immigrazzjoni u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali.

5.   Benefiċjarji tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil

5.1

Il-KESE jilqa’ l-flessibbiltà li tinsab fil-proposta tal-Kummissjoni relatata mal-benefiċjarji u jenfasizza l-bżonn li jiġi assigurat li l-azzjonijiet iffinanzjati jistgħu jiġu applikati għal grupp akbar ta’ destinatarji, u mhux biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza legali fl-UE. Kien hemm ħafna diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni fil-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni u fl-opinjonijiet tal-KESE.

5.2

Il-KESE jixtieq li l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil ikun jippermetti azzjonijiet immirati lejn kulħadd, indipendentement mill-istatus tagħhom, inklużi l-immigranti mingħajr dokumenti; għalhekk jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi estiż il-grupp ta’ benefiċjarji tal-azzjonijiet peress li dan huwa l-uniku mod kif tiġi ffinanzjata l-ħidma tal-integrazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu sabiex jintegraw il-persuni “mingħajr karti”.

5.3

Madankollu, il-KESE huwa kontra l-proposta tal-Kummissjoni li tinkludi fl-ambitu ta’ applikazzjoni l-azzjonijiet li jintegraw liċ-ċittadini ta’ Stat Membru bi sfond ta’ migrazzjoni, “li jkollhom mill-inqas ġenitur wieħed (jiġifieri omm jew missier) li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz”, peress li din tista’ tinvolvi sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni, peress li ċ-ċittadini tal-Istati Membri ma jistgħux ikunu soġġetti għall-programmi jew testijiet ta’ integrazzjoni bħala kundizzjoni għar-residenza u l-moviment ħieles, għax dan imur kontra l-prinċipju tat-trattament indaqs garantit mill-istatut ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.

5.4

Il-KESE jikkunsidra li l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil huwa strument li jwassal biex jiġu ffinanzjati l-politiki ta’ integrazzjoni u li jilqa’ l-persuni li waslu reċentement fl-Ewropa. Sabiex jiġu evitati l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ opportunitajiet għal xi ċittadini Ewropej li huma dixxendenti ta’ immigranti, jew għal ċittadini Ewropej li jgħixu fi Stat Membru differenti għal dak tan-nazzjonalità tagħhom, l-UE għandha strumenti finanzjarji aktar adegwati bħall-Fond Soċjali Ewropew.

5.5

Il-programmi intiżi li jipproteġu l-persuni partikolarment vulnerabbli għandhom ikunu prijorità għall-finanzjament, speċjalment dawk immirati lejn il-minuri mhux akkumpanjati, in-nisa tqal u l-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament sesswali.

6.   Informazzjoni, trasparenza u pubbliċità

6.1

Il-KESE jappoġġja l-fatt li fil-qafas finanzjarju l-ġdid jiġu assigurati aktar informazzjoni, pubbliċità u trasparenza. Għandu jiġi assigurat li l-Istati Membri u l-awtoritajiet responsabbli jiggarantixxu l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-programmi nazzjonali (permezz tal-ħolqien ta’ portal fuq l-internet).

6.2

Madankollu s-semplifikazzjoni tal-proċeduri m’għandhiex tfisser inqas trasparenza. Il-qafas il-ġdid għandu jsaħħaħ il-livell ta’ trasparenza fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-azzjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

7.   Drittijiet fundamentali

7.1

Il-KESE jqis li l-qafas finanzjarju għandu jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-azzjonijiet kollha, peress li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha impatt pożittiv fuq il-politiki tas-sigurtà interna, l-ażil u l-migrazzjoni. Il-KESE diġà fassal Opinjoni fuq inizjattiva proprja (5) sabiex id-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti fil-politiki tal-immigrazzjoni, l-ażil, ir-ritorn u l-fruntieri.

7.2

Il-KESE jipproponi li r-Regolamenti dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għas-Sigurtà Interna jiggarantixxu li l-azzjonijiet u l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE jirrispettaw b’mod rigoruż id-drittijiet fundamentali tal-persuni u jassiguraw li d-drittijiet imnaqqxa fil-Karta jiġu protetti tajjeb.

7.3

L-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fi Vjenna għandha taqdi rwol attiv u konkret meta tiġi evalwata l-kompatibilità bejn il-politiki u l-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE u d-drittijiet fundamentali. L-organizzazzjonijiet nongovernattivi jistgħu jaqdu rwol essenzjali fl-evalwazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fuq l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

7.4

Il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni jista’ wkoll jevalwa l-kompatibilità bejn il-politiki tal-integrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni.

8.   Emerġenzi u assistenza teknika

8.1

Ir-Regolament il-ġdid jagħti attenzjoni speċjali lis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u kriżi. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi assigurat li l-UE tkun kapaċi taġixxi b’mod flessibbli, b’biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-emerġenzi.

8.2

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li jkun hemm riżorsi disponibbli li jistgħu jiġu mmobilizzati malajr fil-każ ta’ “kriżijiet relatati mal-migrazzjoni” jew sabiex jiġu indirizzati “ħtiġijiet urġenti u speċifiċi fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza”, u li fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, l-għajnuna tista’ tammonta għal 100 % tan-nefqa eliġibbli.

8.3

Madankollu l-Kumitat jipproponi li dawn il-fondi jkunu prinċipalment diretti sabiex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi umanitarja, peress li s-solidarjetà għandha tapplika l-ewwel nett għall-protezzjoni u s-sigurtà tal-persuni milqutin.

8.4

Barra minn hekk għandu jiġi assigurat li l-garanziji, l-istandards u d-drittijiet komuni stabbiliti fil-liġi Ewropea jiġu rispettati mill-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-UE, anke fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

8.5

Il-KESE jappoġġja wkoll il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ emerġenza li jippermetti lill-UE tiffinanzja intervenzjoni inizjali rapida, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, f’każ ta’ diżastri, attakki terroristiċi jew “ċiberattakki” fuq skala kbira.

9.   Dimensjoni esterna

9.1

Il-KESE jqis li, peress li d-dimensjoni esterna ta’ dawn il-politiki issa hija prijorità, il-finanzjament tal-azzjonijiet għandu jkun koerenti mal-prijoritajiet interni u esterni tal-UE f’dawn l-oqsma.

9.2

Għandha titjieb il-kooperazzjoni bejn id-DĠ Affarijiet Interni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna meta jiġu stabbiliti u miftiehma l-prijoritajiet politiċi. Dan għandu jgħin jassigura li l-politiki u l-proġetti ffinanzjati skont il-qafas baġitarju ġdid ikunu komplementari u mhux kontradittorji għall-politiki tal-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni tal-UE. Għandha titjieb il-kooperazzjoni permezz tal-ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, iżda l-għajnuna għall-iżvilupp m’għandhiex tkun ikkundizzjonata bil-ftehimiet dwar ir-riammissjoni u l-kontroll tal-fruntieri.

9.3

L-għan tad-dimensjoni esterna ta’ dawn il-politiki għandu jkun li jitjiebu kemm is-sigurtà interna kif ukoll l-iżvilupp tal-pajjiżi terzi. Il-politika esterna u l-għajnuna għall-iżvilupp huma l-qafas l-aktar koerenti għad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-ażil, il-migrazzjoni u s-sigurtà interna (6).

9.4

Il-KESE jipproponi li l-Fondi għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għas-Sigurtà Interna jintużaw ukoll sabiex itejbu l-iżvilupp relatat mad-drittijiet tal-bniedem u l-kwalità tal-istat tad-dritt, partikolarment sabiex il-pajjiżi terzi jsaħħu s-sistemi tagħhom ta’ ażil u jkun hemm konformità mal-istandards internazzjonali.

9.5

Għandu jitqies ukoll li l-pajjiżi ġirien tal-UE m’għandhomx iħallsu l-ispejjeż kollha tal-proċeduri tal-ażil tal-persuni li jgħaddu mit-territorju tagħhom. L-UE għandha tikkoopera permezz tal-fondi.

10.   Integrazzjoni

10.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-politiki tal-integrazzjoni jiġu implimentati fil-livell lokal u reġjonali permezz ta’, pereżempju, korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika, il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u ċivili, il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali u t-trattament ugwali fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi. Huwa essenzjali li l-azzjonijiet jiġu ġestiti mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

10.2

Il-Kumitat fassal Opinjoni fuq inizjattiva proprja (7) bl-istess proposta u organizza Konferenza f’Valencia bl-involviment ta’ diversi awtoritajiet reġjonali u lokali u numru ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan l-approċċ kien appoġġjat ukoll mill-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni.

10.3

Għandha tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu appoġġjati azzjonijiet u proġetti li jikkunsidraw lill-integrazzjoni bħala proċess soċjali bidirezzjonali u dinamiku ta’ adattament reċiproku.

10.4

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-Fondi Ewropej ikunu ddedikati għall-għanijiet konkreti u ma jintużawx sabiex jiġu ffinanzjati l-programmi nazzjonali li mhumiex marbutin ma’ dawk Ewropej (8).

10.5

Il-Kumitat jipproponi li r-riżorsi tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil m’għandhomx jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati programmi nazzjonali li jiksru d-drittijiet tal-bniedem jew jikkontradixxu l-prinċipji bażiċi komuni tal-integrazzjoni. Il-KESE huwa kontra li l-Istati Membri jużaw it-test ta’ integrazzjoni sabiex jiġġeddu l-permessi ta’ residenza, jingħaqdu l-familji jew ikun hemm aċċess għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi.

10.6

F’opinjonijiet oħra (9) l-Kumitat indika li hemm bżonn li titjieb il-komplementarjetà bejn il-Fond għall-Integrazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew b’rabta mal-finanzjament ta’ xi programmi.

11.   Ażil

11.1

Il-KESE jaqbel mal-prijoritajiet tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ appoġġ sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni, il-proċeduri tal-ażil u sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri.

11.2

Il-Kumitat jipproponi li parti mill-fondi jiġu destinati għal proġetti u attivitajiet immirati sabiex jassiguraw li l-Istati Membri jilħqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u jimplimentaw il-leġislazzjoni Ewropea.

11.3

Il-KESE jqis bħala prijorità l-finanzjament tal-evalwazzjoni tal-politiki tal-ażil tal-Istati Membri, li huma partikolarment immirati li jtejbu l-proċeduri u l-kwalità tal-protezzjoni tar-rifuġjati u ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil.

11.4

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ programm ta’ risistemazzjoni għat-trasferiment tar-refuġjati minn barra l-UE u s-sistemazzjoni tagħhom fl-Unjoni.

11.5

Il-Kumitat jappoġġja wkoll il-programm ta’ rilokazzjoni fi ħdan l-UE, bil-provvista ta’ inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jidħlu fih.

11.6

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil f’Malta għandu jkollu mandat ċar sabiex jivvaluta s-sistemi tal-ażil nazzjonali u l-konformità tagħhom mad-drittijiet Ewropej u internazzjonali u mad-drittijiet fundamentali. Din l-evalwazzjoni għandha titwettaq bil-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati.

12.   Ammissjoni

12.1

Il-KESE jaqbel mal-approċċ meħud mill-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil dwar il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati miżuri “tal-bini tal-kapaċità”, bħat-tħejjija ta’ strateġiji li jippromovu l-migrazzjoni legali permezz ta’ proċeduri ta’ ammissjoni flessibbli u trasparenti u t-titjib tal-kapaċità tal-Istati Membri għall-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki tagħhom tal-immigrazzjoni.

13.   Is-sħubijiet ta’ mobilità

13.1

Il-Kumitat fassal Opinjoni speċifika (10) fejn hemm indikat li l-ftehimiet dwar il-mobilità u l-migrazzjoni għandhom jinkludu erba’ pilastri: l-organizzar u l-iffaċilitar tal-migrazzjoni legali u l-mobilità; il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin; il-promozzjoni tal-protezzjoni internazzjonali u t-titjib tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil; u l-massimizzazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp fuq il-migrazzjoni u l-mobilità.

14.   Ritorn

14.1

Il-KESE jqis li l-użu tar-ritorn volontarju għandu jkun prijoritizzat u akkumpanjat minn sistemi ta’ appoġġ u għalhekk jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-azzjonijiet nazzjonali għandhom jinkludu programmi ta’ ritorn volontarju assistit.

14.2

Ir-riżorsi tal-Fond għandhom jintużaw sabiex jiġu pprovduti sistemi ta’ appoġġ għar-ritorn volontarju li jippermettu li r-ritorn ikun wieħed pożittiv għall-persuni u għall-pajjiż ta’ oriġini.

14.3

Meta b’mod eċċezzjonali jintużaw il-proċeduri ta’ ritorn furzat, għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa (11).

14.4

Madankollu, il-Kumitat huwa kontra li l-Fondi Ewropej jintużaw sabiex jiġu ffinanzjati r-ritorni furzati, li xi wħud minnhom jitqiesu mis-soċjetà ċivili bħala li jmorru kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

15.   Sigurtà interna u fruntieri

15.1

Huwa prijorità li jingħata appoġġ lill-kooperazzjoni tal-pulizija fil-prevenzjoni tad-delinkwenza transkonfinali u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-KESE jappoġġja l-miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà u l-ħidma tal-Europol.

15.2

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-delinkwenza transkonfinali fl-UE, speċjalment il-miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn is-servizzi tas-sigurtà fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Huwa essenzjali li l-prijoritajiet kollha jkunu jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-forzi tas-sigurtà, inklużi l-aspetti relatati mal-istat tad-dritt.

15.3

Il-fondi għandhom jintużaw sabiex jitjiebu u jiġu żviluppati l-kwalità u t-trasparenza tal-metodoloġiji komuni użati fil-livell Ewropew sabiex jiġu identifikati t-theddid u r-riskji għas-sigurtà tal-Ewropa, bħal pereżempju l-ħidma tal-Europol u r-rapporti tiegħu dwar il-kriminalità organizzata (OCTA).

15.4

L-Unjoni Ewropea għandha ttejjeb il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali involuti fit-traffikar illegali tal-bnedmin, waqt li jiġi kkunsidrat li l-fruntieri huma partikolarment vulnerabbli fil-Mediterran u fil-Lvant tal-Ewropa.

15.5

Il-KESE huwa favur il-fatt li l-Fond għas-Sigurtà Interna jappoġġja l-Istati Membri fir-rigward tal-kontrolli tal-fruntieri, sabiex ikunu aktar effikaċi, waqt li jitqies il-fatt li l-kontroll tal-fruntieri huwa servizz pubbliku. Iżda jemmen li din il-kooperazzjoni, inklużi dawk l-azzjonijiet ikkoordinati mill-Frontex, għandha tkun trasparenti u konformi mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

15.6

Il-KESE jaqbel mal-bżonn li l-Istati Membri jingħataw l-għajnuna sabiex japplikaw aħjar l-acquis ta’ Schengen, inklużi s-sistema tal-viżi u l-implimentazzjoni ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri. Huwa kruċjali li jiġi ggarantit li l-Istati Membri kollha japplikaw b’mod koerenti l-istandards komuni dwar il-kontroll tal-fruntieri u li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-moviment liberu tal-persuni.

15.7

Il-KESE jqis li l-baġit allokat lill-aġenziji Ewropej tas-sigurtà interna, b’mod partikolari l-Europol, l-Eurojust, il-Frontex, eċċ., għandu jkun marbut ma’ skrutinju demokratiku akbar tal-attivitajiet tagħhom mill-Parlament Ewropew, b’mod partikolari dawk il-kompiti li jistgħu joħolqu problemi kbar għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħal pereżempju s-setgħat operattivi tagħhom fil-livell nazzjonali, l-iskambju u l-użu tad-data personali, il-kwalità tal-informazzjoni skambjata mal-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi terzi u l-objettività tal-analiżi tagħhom ta’ riskju.

15.8

Hemm bżonn li jitnieda dibattitu politiku mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar il-valur miżjud u l-impatt baġitarju kif ukoll dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-sistema EUROSUR (is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri). Huwa essenzjali li fil-każ ta’ inizjattiva politika daqshekk importanti, ikun hemm trasparenza u sigurtà legali totali kemm fl-għanijiet tagħha kif ukoll fl-ambitu ta’ applikazzjoni.

15.9

Il-KESE jappella li l-Parlament Ewropew jagħti attenzjoni speċjali għall-proporzjonalità tal-EUROSUR u l-kontribut tiegħu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kontrolli tal-fruntieri u s-sorveljanza fil-Mediterran, waqt li jitqies il-fatt li l-ewwel obbligu tal-gwardji tal-fruntieri huwa s-salvataġġ tal-persuni li jkunu f’sitwazzjoni perikoluża.

15.10

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-proposti politiki kollha, speċjalment dawk li għandhom impatt kbir fuq il-baġit, ikunu soġġetti għal dibattitu demokratiku u trasparenti, waqt li jitqiesu l-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali.

16.   Sistemi tal-IT fuq skala kbira (VIS, SIS, Eurodac)

16.1

Il-KESE jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jwettaq valutazzjoni dwar in-neċessità, il-proporzjonalità u l-effikaċja tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira li jinsabu fis-seħħ (is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS u l-Eurodac), kif ukoll tas-sistemi li qegħdin jiġu implimentati (SIS II).

16.2

Din il-valutazzjoni għandha ssir qabel kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iffinanzjar ta’ sistemi ġodda bħal dawk proposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni dwar il-“fruntieri intelliġenti”, b’mod partikolari s-sistema ta’ dħul/ħruġ u l-Programm għall-Vjaġġaturi Reġistrati li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tippreżenta fl-2012.

16.3

Il-Kumitat jenfasizza r-responsabbiltà tal-aġenzija l-ġdida għall-ġestjoni operattiva ta’ sistemi tal-IT, ibbażata f’Tallinn, li hija importanti ħafna għaż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, peress li ser tikkoordina s-sistemi li jeżistu llum u dawk li ser jinħolqu fil-futur. L-Aġenzija għandha tkun soġġetta għal aktar skrutinju demokratiku min-naħa tal-Parlament Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompatibilità tal-azzjonijiet tagħha mal-protezzjoni tad-data, il-privatezza u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop fl-użu tal-informazzjoni u rigward il-possibbiltà li l-kompetenzi attwali jiġu estiżi għall-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta’ sistemi futuri tal-IT.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 751 final.

(2)  COM(2011) 750 final; COM(2011) 753 final.

(3)  COM(2011) 752 final.

(4)  Il-kummenti tal-proposti tal-Kummissjoni għal Finanzjament Ġdid tal-UE għall-azzjonijiet tal-ażil u l-migrazzjoni taħt il-qafas finanzjarju multiannwali, Caritas Europa, CCME, COMECE, Eurodiaconia, ICMC, JRS-Europe, QCEA, jinsabu f’http://www.caritas-europa.org/module/FileLib/MFF-Christiangroupstatement_April2012.pdf.

L-istqarrija u r-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-finanzjament futur tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil għall-2014-2020, ECRE u 40 organizzazzjoni oħra tas-soċjetà ċivili, Marzu 2012, jinsabu f’http://www.ecre.org/index.php?option=com_downloads&id=444

(5)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat, ĠU C 128, p. 29, 18.5.2010.

(6)  L-osservazzjonijiet tal-UNHCR dwar l-arranġamenti futuri għall-finanzjament tal-UE fil-qasam tal-Affarijiet Interni wara l-2013, Ġunju 2011 http://www.unhcr.org/4df752779.pdf

(7)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 69-75.

(8)  Rapport dwar il-Konferenza tal-Partijiet Interessati “The Future of EU Funding for Home Affairs: A Fresh Look” (Il-futur tal-finanzjament tal-UE għall-Affarijiet Interni: Ħarsa ġdida), Kummissjoni Ewropea, DĠ Affarijiet Interni, Brussell, 8 ta’ April 2011, http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/event/docs/mff_conference_report_11-5-2011_final_participants.doc.pdf, li fost il-konklużjonijiet jiddikjara li l-finanzjament tal-UE m’għandhux jitqies bħala sostituzzjoni għall-finanzjament nazzjonali, fi kliem ieħor l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli sabiex jassiguraw li hemm biżżejjed fondi nazzjonali disponibbli għall-politiki tal-Affarijiet Interni. Sabiex jiżdied il-valur, l-infiq tal-UE għandu jirrifletti l-prijoritajiet u l-impenji politiċi fil-livell tal-UE u għandu jappoġġja l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE b’rabta mal-Affarijiet Interni.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat, ĠU C 347, p. 19, 18.12.2010.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità”, relatur: is-Sur Pariza Castaños, korelatur: is-Sinjura King (ĠU C 191, 29.06.2012, p. 134).

(11)  “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat”, COM (2005) 40 final.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper — Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”

COM(2012) 55 final

2012/C 299/21

Relatur: is-Sur Petru Sorin DANDEA

Korelatur: is-Sur Krzysztof PATER

Nhar is-16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli

COM(2012) 55 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'180 vot favur, 27 vot kontra u 19-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fi kważi l-Istati Membri kollha s-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma wieħed mill-komponenti l-iżjed importanti tax-xibka ta’ sikurezza li hija s-sigurtà soċjali u parti fundamentali tal-Mudell Soċjali Ewropew, billi l-pensjonijiet huma s-sors ewlieni ta’ dħul għall-pensjonanti. Il-Kumitat jiddispjaċih li fil-White Paper tagħha, il-Kummissjoni tikkonċentra iżjed fuq aspetti oħra tas-sistemi tal-pensjonijiet u ma tindagax dwar soluzzjonijiet sabiex jissaħħu l-pensjonijiet pubbliċi.

1.2   Is-sistemi tal-pensjonijiet ma joperawx b'mod iżolat minn sistemi ekonomiċi nazzjonali. Għaldaqstant, il-Kumitat isejjaħ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki tal-pensjonijiet tagħhom jorbtu mill-qrib mas-suq tax-xogħol, il-ħarsien soċjali, il-politiki fiskali u makroekonomiċi (billi l-pensjonijiet huma ffinanzjati mill-flus imwarrba mis-salarju li jirċievi persuna tul il-ħajja tax-xogħol tagħha, jew minn miżati mħallsa fi skemi tal-pensjonijiet privati) u li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jkunu involuti b'mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-qafas.

1.3   M'hemmx soluzzjoni waħda għal kollox fir-rigward tal-isfida li qed joħolqu l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu għas-sistemi tal-pensjonijiet. Il-maġġoranza tal-Istati Membri li rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tul l-aħħar deċennju mmiraw il-politiki tagħhom lejn it-tnaqqis tal-infiq, billi għollew l-età statutorja tal-irtirar u ttrasferixxew għal sistema tal-indiċjar tal-pensjonijiet skont iż-żidiet fil-prezzijiet. Il-Kumitat diġà stqarr li ż-żieda tal-età legali tal-irtirar m'hijiex suffiċjenti bħala risposta għat-tixjiħ tas-soċjetà u jirrimarka li fit-tul dan l-approċċ jista' jkun ta’ riskju soċjali billi jista' jesponi lil ħafna pensjonanti għar-riskju tal-faqar.

1.4   Il-Kumitat jaħseb li l-Istati Membri għandhom jallokaw il-ġid mill-ġdid; għandhom jiffokaw l-isforzi ta’ riforma tagħhom għall-għexieren ta’ snin li ġejjin fuq żieda fid-dħul li jiffinanzja s-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom billi jestenduhom għall-kategoriji soċjo-professjonali kollha, jżidu l-impjieg, itejbu l-mekkaniżmi għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet u jindirizzaw il-problemi tax-xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tisħaq ħafna aktar minn dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni fuq l-importanza tas-suq tax-xogħol u taż-żieda tar-rati ta’ impjieg biex jiġi indirizzat b'suċċess it-tibdil demografiku u b'hekk biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali relatati mal-pensjoni. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li din l-enfasi fuq l-importanza kbira tas-suq tax-xogħol mhix riflessa fir-rakkomandazzjonijiet prinċipali rigward il-pensjonijiet, li fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu kif kienu fid-dokumenti preċedenti.

1.5   Il-Kumitat jemmen li huma u jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet lokali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li għal miljuni ta’ pensjonanti futuri l-pensjoni hija l-uniku tip ta’ protezzjoni kontra r-riskju tal-faqar fi xjuħithom. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li fil-leġislazzjoni futura jiġu inklużi standards dwar pensjoni minima jew mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-dħul mill-pensjoni, sabiex jingħata dħul li jaqbeż mil-limitu tal-faqar.

1.6   Minħabba n-natura tagħhom, is-sistemi tal-pensjonijiet joperaw fit-tul. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprevedu perjodu ta’ żmien twil biżżejjed għall-proċess ta’ riforma tal-pensjonijiet tagħhom, ifassluh skont is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali lokali tagħhom u jiżguraw li jiġi aċċettat b'mod wiesa' mill-pubbliku. Il-Kumitat japprova dan l-approċċ, filwaqt li jfakkar li mhuwiex ġust li l-ispejjeż tar-riformi tal-pensjonijiet jiġu imposti fuq il-ġenerazzjoni attwali ta’ ħaddiema żgħażagħ jew fuq il-pensjonanti attwali. Il-Kumitat huwa favur approċċ li jiżgura ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet f'termini tas-sostenibbilità tas-sistema u livell adegwat ta’ benefiċċji, u li jippermetti livell ta’ għajxien deċenti.

1.7   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq il-promozzjoni ta’ mizuri attivi biex titwal il-ħajja tax-xogħol. L-għan għandu jkun li l-età effettiva tal-irtirar toqrob lejn l-età legali tal-irtirar li teżisti diġà. Dan huwa wieħed mill-modi ewlenin kif tiġi żgurata s-sostenibbilità tas-sistemi tal-pensjonijiet Ewropej. Il-miżuri l-iżjed importanti li għandhom jittieħdu hawnhekk huma li l-attenzjoni tkun fuq li jiġu negozjati kundizzjonijiet tax-xogħol bejn l-imsieħba soċjali, eż. l-adattament tal-ħiliet u s-saħħa tal-ħaddiema akbar fl-età, li titqies id-diffikultà ta’ ċerti xogħlijiet, it-titjib tal-aċċess għal aktar taħriġ, it-tisħiħ tal-prevenzjoni tal-invaliditajiet, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja u t-tneħħija tal-ostakli legali u oħrajn għal ħajja tax-xogħol itwal. Li jinbidlu l-attitudnijiet ta’ min iħaddem lejn dan il-grupp ta’ età u li jiġu żviluppati attitudnijiet pożittivi fost l-impjegati ikbar fl-età, biex ikunu jistgħu jagħżlu li jibqgħu fl-impjieg tagħhom għal aktar żmien għandhom ikunu parti mill-proċess ta’ riforma. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jipprovdu impjiegi ta’ kwalità huma neċessarji biex issir realtà ħajja fid-dinja tax-xogħol iktar twila. Dawn il-politiki kollha jridu jitfasslu u jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat, l-iskemi ta’ rtirar kmieni għandhom jinżammu biex jiżguraw li l-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom, qabel l-età ta’ 18-il sena, ikollhom id-dritt li jirtiraw kmieni.

1.8   Il-Kumitat jinnota li l-Istati Membri diġà għamlu progress fir-riformi statutorji tagħhom, iżda fl-istess ħin huwa konvint li għandu jitjieb il-qafas legali għal skemi ta’ rtirar komplementari, billi dawn se jaqdu rwol fl-adegwatezza u s-sostenibbilità futura tas-sistemi tal-pensjonijiet. Għaldaqstant, il-Kumitat huwa mħasseb b'mod serju dwar uħud mill-proposti għal pensjonijiet tax-xogħol. Billi l-iskemi tal-pensjonijiet huma differenti ħafna mis-servizzi tal-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP, sabiex tinżamm sitwazzjoni ugwali għal dik ta’ Solvency II, iżda jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri mfassla b'mod speċifiku għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjonijiet wara konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra.

1.9   Il-pensjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw dħul għall-pensjonanti, li jservi ta’ dħul li jissostitwixxi s-salarju li kjienu jirċievu tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, u li jkun proporzjonali għalih. Il-Kumitat jemmen li fil-futur ser ikun neċessarju li titnaqqas id-differenza bejn id-dħul tal-pensjoni tal-ħaddiema rġiel u nisa, u li tiġi żgurata kopertura adatta tal-periklu tax-xjuħija fost il-ħaddiema li kellhom professjoni jew karriera mhux tipika. Id-differenza li għadha teżisti bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol għandha konsegwenzi serji fuq id-drittijiet akkumulati u għaldaqstant ukoll għall-prospetti tad-dħul tal-irtirar tan-nisa. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex ifittxu soluzzjonijiet sabiex titnaqqas id-differenza fid-drittijiet tal-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa kkawżata mir-regoli u l-prassi fis-suq tax-xogħol, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali.

1.10   Il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tonora l-intenzjoni tagħha li tuża parti mill-FSE matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 biex tappoġġja proġetti mmirati lejn l-impjegar ta’ ħaddiema ikbar fl-età jew lejn il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Proġetti edukattivi li għandhom l-għan li jżidu l-litteriżmu finanzjarju tal-ħaddiema, b'mod speċjali fir-rigward tal-ippjanar għall-irtirar, ukoll ħaqqhom jiġu appoġġjati. Il-Kumitat jemmen li l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, flimkien ma’ korpi pubbliċi oħrajn, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-promozzjoni ta’ dawn il-proġetti.

2.   Daħla

2.1   Fis-16 ta’ Frar (iktar tard milli ppjanat) il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-White Paper tagħha dwar ‘Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli’, wara konsultazzjonijiet li ġew imnedija permezz tal-Green Paper tagħha ta’ Lulju 2010. Għalkemm adottat sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni ma bidlitx il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ soluzzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw biex jiżguraw sistemi tal-pensjonijiet sostenibbli u sikuri fl-isfond ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu, jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas in-nefqa fuq il-pensjonijiet minflok ma jiżdied id-dħul biex jiffinanzjahom. Barra minn hekk, huwa rakkomandat li l-età tal-irtirar tintrabat maż-żieda fl-istennija tal-għomor u li jiġi żviluppat tfaddil komplementari għall-irtirar – dawn huma punti li l-Kumitat kemm-il darba tkellem b'mod kritiku dwarhom.

2.2   Sabiex tappoġġja l-fehma tagħha dwar il-ħtieġa għar-riforma tal-pensjonijiet, il-Kummissjoni tislet informazzjoni minn statistika li forsi tista' tippreżenta stampa qarrieqa tal-problemi li jinħolqu mit-tixjieħ tal-popolazzjoni. Pereżempju, il-grafika ppreżentata fil-Figura 1 tal-White Paper tqabbel xejriet previsti fir-rigward tal-għadd ta’ nies ta’ età ta’ 60+ u l-għadd ta’ nies ta’ età bejn 20-59 sena, u turi li l-għadd ta’ nies fl-ewwel grupp se jiżdied b'żewġ miljuni kull sena għaż-żewġ deċennji li ġejjin, filwaqt li l-għadd ta’ nies fit-tieni grupp se jonqos b'medja ta’ miljun fis-sena. Sal-2020 l-età statutorja tal-pensjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri se tkun ta’ 65 jew iżjed, li jfisser li l-grupp ta’ 60+ tal-popolazzjoni se jinkludi impjegati kif ukoll pensjonanti. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu (1), il-Kumitat jemmen li fil-valutazzjoni tal-effetti ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu fuq l-iffinanzjar ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali, għandu jintuża l-proporzjon ta’ dipendenza ekonomika, billi jipprovdi stampa ċara tar-rekwiżiti reali ta’ ffinanzjar. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-punt fil-White Paper. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tisħaq ħafna aktar minn dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni fuq l-importanza tas-suq tax-xogħol u taż-żieda tar-rati ta’ impjieg biex jiġi indirizzat b'suċċess it-tibdil demografiku u biex b'hekk jintlaħqu l-għanijiet prinċipali relatati mal-pensjoni. Madankollu, huwa ta’ dispjaċir li din l-enfasi fuq l-importanza kbira tas-suq tax-xogħol mhix riflessa fir-rakkomandazzjonijiet prinċipali rigward il-pensjonijiet, li fil-parti l-kbira tagħhom baqgħu kif kienu fid-dokumenti preċedenti.

2.3   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-suċċess tar-riformi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri huwa fattur ewlieni li jiddetermina l-funzjonament bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja, li se jaffettwa wkoll l-kapaċità tal-UE li tilħaq tnejn mill-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 – li tiżdied ir-rata tal-impjieg għal 75 % u li jitnaqqas l-għadd ta’ nies fir-riskju tal-faqar b'mill-inqas 20 miljun. Madankollu, il-Kumitat enfasizza l-fatt (2) li ħafna mill-miżuri ta’ awsterità implimentati mill-Istati Membri li qed jissieltu mal-effetti tal-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran jista' jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq it-tilħiq ta’ dawn il-miri. Kull miżura ta’ stabilità fiskali trid dejjem tiġi kkomplementata minn investimenti effikaċi fil-ħolqien tal-impjieg kif ukoll minn miżuri li jwasslu għat-tkabbir.

2.4   Il-Kummissjoni tixtieq tissuġġerixxi linji gwieda ta’ politika u inizjattivi lill-Istati Membri biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ riforma identifikati, inter alia, fir-rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż tal-2011 taħt is-semestru Ewropew. Il-Kumitat jiddispjaċih li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirriferu b'mod partikolari għaż-żieda fl-età statutorja ta’ rtirar u l-emendar tas-sistemi tal-indiċjar tal-pensjonijiet. Għal xi Stati Membri, li kkonkludew arranġamenti standby mal-IMF, il-Bank Dinji u l-Kummissjoni Ewropea, ir-rakkomandazzjonijiet inkludew soluzzjonijiet bħall-iffriżar temporanja jew anke it-tnaqqis tal-valur tal-pensjonijiet.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-isfidi attwali għall-pensjonijiet

3.1.1   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li s-sostenibbilità u l-adegwatezza tal-pensjonijiet jiddependu fuq l-estent sa liema jkunu msejsa fuqu kontribuzzjonijiet, taxxi u flus imfaddla. Madankollu, dawn ma jiġux biss minn dawk in-nies li għandhom impjieg, iżda wkoll mill-pensjonanti stess. Fi kliem ieħor, kull previżjoni fit-tul fir-rigward tal-bilanċ bejn dawk li jħallsu t-taxxi b'mod attiv u l-benefiċjarji rtirati trid tqis dan il-fatt.

3.1.2   Is-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi huma s-sors ewlieni ta’ dħul għall-pensjonanti fi kważi l-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, huwa imperattiv li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li jibqgħu sostenibbli u bi prezz raġonevoli. Il-Kumitat iqis li l-iffinanzjar ta’ sistemi pubbliċi jista' jiġi żgurat l-aħjar permezz ta’ rata ta’ impjieg għolja u miżuri oħrajn ta’ finanzjament, bħal dawk meħuda f'xi Stati Membri (pereżempju: sussidji baġitarji, dħul addizzjonali, fondi ta’ riżerva u ta’ stabbilità). Dawn is-sistemi tal-pensjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u joħolqu solidarjetà bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet, li huwa ta’ benefiċċju għall-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri, dawn jippermettu li d-drittijiet tal-pensjonijiet jiġu żviluppati fil-perjodi ta’ qgħad jew waqfiet mill-karriera minħabba mard jew għal raġunijiet familjari. Dawn is-sistemi taw prova tar-rwol tagħhom bħala stabilizzaturi finanzjarji matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, anke jekk f'xi Stati Membri ġew affettwati b'mod negattiv il-pensjonijiet individwali. Bil-kontra, xi skemi tal-pensjonijiet li huma finanzjati privatament u li investew parti mill-portafoll tal-assi f'xi prodotti finanzjarji riskjużi ħafna ffaċċjaw telf kbir li rriżulta fi tnaqqis qawwi fil-pensjonijiet għal ħafna pensjonanti. Min jieħu d-deċiżjonijiet irid iqis l-impatt tat-tnaqqis fuq id-domanda globali fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċji soċjali mhumiex biss “spejjeż”, peress li dawn jipprovdu l-mezz biex terz mill-popolazzjoni tal-Ewropa jkun jista' jaġixxi u jikkonsma.

3.2   Niżguraw is-sostenibbilità finanzjarja tas-sistemi tal-pensjoni

3.2.1   Il-Kummissjoni tgħid li sal-2060 il-pensjonijiet għandhom jiżdiedu b'medja ta’ ta’ 2,5 punti perċentwali tal-PDG madwar l-UE. Kif ġie ddikjarat f'opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Istati Membri jeżerċitaw ċerta kawtela meta jużaw dawn iċ-ċifri biex jippromovu riformi fil-pensjonijiet, billi ħafna minnhom huma bbażati fuq ipotesijiet fit-tul, li f'xi każi mhumiex relatati mas-sitwazzjoni reali. Madankollu, bħalissa hemm differenza ta’ 9 punti perċentwali tal-PDG fl-infiq fuq il-pensjonijiet tal-Istati Membri, minn 6 % fl-Irlanda sa 15 % fl-Italja. Dan juri li jista' jkun hemm xi flessibilità fil-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku mingħajr ma din taffettwa b'mod sinifikanti l-kompetittività tal-Istati Membri li, minn perspettiva ċiklika, jista' jkollhom spejjeż ogħla fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali.

3.2.2   Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet li twettqet mill-Istati Membri tul l-aħħar deċennju ffokat primarjament fuq it-tnaqqis fl-infiq, billi żdiedet l-età statutorja tal-irtirar u nbidlu s-sistemi ta’ indiċjar tal-pensjonijiet f'indiċi tal-prezzijiet dominanti jew uniku. Il-Kumitat jaħseb li din l-aħħar bidla jista' jkollha effetti negattivi fit-tul, u l-pensjonijiet jispiċċaw jitnaqqsu ħafna. Skont studju tal-ILO (3), differenza ta’ punt perċentwali biss bejn iż-żidiet fis-salarji u fil-pensjonijiet fuq perjodu ta’ 25 sena tista' tirriżulta fi tnaqqis ta’ 22 % fil-pensjonijiet.

3.2.3   Sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali ma joperawx b'mod iżolat minn ekonomiji nazzjonali. Effettivament huma sottosistemi li jinteraġixxu ma’ oħrajn fil-livell nazzjonali u globali. Għaldaqstant il-Kumitat jaħseb li sabiex tiġi żgurata s-sostenibbilità finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom għad-deċennji li ġejjin fuq żieda fid-dħul. Din iż-żieda ma tistax tintlaħaq biss billi jiżdied l-għadd ta’ kontributuri impjegati u billi tittawwal il-ħajja tax-xogħol, iżda tesiġi wkoll ġestjoni aħjar tal-finanzi pubbliċi u sforzi biex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u x-xogħol mhux iddikjarat. It-tkabbir sostenibbli u livell għoli ta’ impjieg għandhom joħolqu ambjent li huwa favorevoli għas-sistemi tal-pensjonijiet. Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-kumpaniji jipprovdu impjiegi ta’ kwalità huma neċessarji biex issir realtà ħajja fid-dinja tax-xogħol iktar twila. Barra minn hekk, kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti li jgħinu biex wieħed isib bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja jistgħu jgħinu biex jiżdiedu r-rati ta’ fertilità, u b'hekk tonqos il-pressjoni tat-tixjieħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi tal-pensjonijiet. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jżidu r-rieda tal-persuni li jaħdmu iktar, dan jirrikjedi wkoll attitudni pożittiva lejn it-tagħlim tul il-ħajja u l-kura preventiva tas-saħħa.

3.2.4   B'konformità mal-opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE jirrimarka li r-riformi tal-pensjonijiet (inkluża l-bidla minn skema ta’ ħlas sħiħ Pay-As-You-Go għal sistemi tal-pensjonijiet imħallta, magħmula minn skemi obbligatorji Pay-As-You-Go u ffinanzjati) li jwasslu għal tibdil fl-iffinanzjar tas-sistemi tal-pensjonijiet, li jżidu l-obbligazzjonijiet espliċiti tas-settur pubbliku u jnaqqsu dawk impliċiti, m'għandhomx jiġu penalizzati fuq perjodu ta’ żmien qasir minħabba d-dejn pubbliku espliċitu ogħla (4). Għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir.

3.3   Inżommu l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-pensjoni

3.3.1   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li f'ħafna mill-Istati Membri r-riformi tal-pensjonijiet li jitwettqu se jirriżultaw f'rati ta’ sostituzzjoni iktar baxxi tas-sistemi tal-pensjonijiet. Billi l-pensjonijiet huma s-sors ewlieni ta’ dħul għal Ewropej ikbar fl-età, il-Kumitat jemmen li għandha tkun prijorità għall-Istati Membri ż-żamma tal-adegwatezza tal-pensjonijiet li jippermettu standard tajjeb tal-għajxien.

3.3.2   Il-gvernijiet huma responsabbli għall-iżgurar li kull Ewropew ikbar fl-età jkollu pensjoni xierqa. Għaldaqstant, il-Kumitat jaħseb li l-Istati Membri għandhom iqisu t-twaqqif ta’ definizzjoni komprensiva ta’ pensjoni adegwata, b'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali.

3.3.3   Għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pensjonanti, l-adegwatezza tad-dħul tagħhom se tiddipendi dejjem iżjed fuq pilastri ta’ pensjonijiet li huma ffinanzjati b'mod addizzjonali. Madankollu, il-Kumitat jinnota li xi Stati Membri li ppromovew skemi tal-pensjonijiet finanzjati b'mod obbligatorju, iffinanzjati billi jiġi trasferit proporzjon tal-kontribuzzjonijiet mis-sistema tal-pensjonijiet pubblika, għażla li ma jkomplux dawn l-iskemi, l-iżjed minħabba d-defiċit li ħolqu fil-baġit pubbliku tas-sistema. Il-Kumitat huwa favur skemi tal-pensjonijiet professjonali ffinanzjati, stabbiliti u amministrati minn dawk li jħaddmu u mir-rappreżentanti tal-impjegati, u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-imsieħba soċjali biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom f'dan il-qasam.

3.3.4   Fid-dawl tat-tranżizzjoni gradwali lejn skemi ta’ pensjoni ffinanzjati b'mod addizzjonali, b'mod partikolari l-iskemi relatati mal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jassiguraw pensjonijiet adegwati lill-persuni li jibqgħu barra s-suq tax-xogħol matul il-ħajja tagħhom ta’ adulti. Għalhekk, għandu jiġi assigurat li l-persuni esklużi mis-suq tradizzjonali tax-xogħol, minħabba pereżempju diżabbiltajiet severi jew problemi soċjali severi u kumplessi, jibbenefikaw minn pensjoni suffiċjenti sabiex jiġu evitati l-inugwaljanzi soċjali dejjem akbar f'età avvanzata.

3.4   Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol

3.4.1   Il-Kummissjoni tinnota li jekk l-Ewropa tilħaq il-mira tal-impjieg tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % fil-grupp tal-età 20-64 u jekk isir aktar progress fid-deċennji ta’ wara, ir-rata ta’ dipendenza ekonomika tista' tibqa' inqas minn 80 %. Dan ifisser li l-pressjoni ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu fuq is-sistemi tal-pensjonijiet tkun tista' tibqa' fil-limiti tollerabbli.

3.4.2   Il-Kumitat ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li età fissa tal-irtirar tista' toħloq żbilanċi konsiderevoli bejn is-snin attivi u s-snin ta’ rtirar. Bis-saħħa tar-riformi tal-pensjonijiet li wettqu fi snin reċenti, ħafna mill-Istati Membri rabtu d-dritt tal-irtirar kmieni mal-għadd ta’ snin li wieħed iqatta' x-xogħol, u naqsu b'mod sinifikanti l-ammont ta’ impjegati pprivileġġjati. Fil-fehma tal-Kumitat, skemi ta’ rtirar kmieni għandhom jinżammu biex jiżguraw li l-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom, qabel l-età ta’ 18-il sena, ikollhom id-dritt li jirtiraw kmieni.

3.4.3   Il-Kumitat fisser il-fehmiet tiegħu f'għadd ta’ opinjonijiet (5) dwar il-fatturi ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jimplimentaw riformi mmirati lejn ħajja tax-xogħol itwal, u jfaħħar lill-Kummissjoni talli adottat uħud minnhom fil-White Paper. Madankollu, il-Kumitat iħoss li għad hemm ħafna xi jsir fil-livell tal-Istat Membru sabiex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol ikunu adati b'mod xieraq għall-ħiliet u s-saħħa tal-ħaddiema akbar fl-età.

3.5   Ir-rwol tal-Istati Membri u tal-UE fil-qasam tal-pensjonijiet

3.5.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu approċċ olistiku għar-riforma tal-pensjonijiet, meta wieħed iqis il-karattru interrelatat tal-isfidi makroekonomiċi, soċjali u tal-impjieg relatati mal-pensjonijiet. Għalkemm l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jfasslu s-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu kreattiv mill-għodod li għandha disponibbli biex tappoġġja b'mod sod l-Istati Membri permezz tal-proċess tar-riforma tal-pensjonijiet; iżda peress li ġeneralment nevitaw li mmorru lura, dan għandu jsir mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet jew jinħolqu regoli ġodda ispirati mir-riċessjoni attwali, li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-interessi tan-nies ladarba tirkupra l-ekonomija. Taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas ġdid ta’ governanza Ewropew, il-Kummissjoni għandha disponibbli ambitu wiesa' biżżejjed biex tippromwovi soluzzjonijiet għar-riforma tal-pensjonijiet, filwaqt li tikkunsidra l-fatt li l-pensjonijiet mhumiex tfaddil. Il-Kumitat jinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni biex tonora l-intenzjoni tagħha li tuża parti mill-FSE matul il-perjodu ta’ programmar 2014-2020 biex tappoġġja proġetti mmirati lejn l-impjegar ta’ ħaddiema ikbar fl-età jew lejn il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni ta’ proġetti bħal dawn għandha tkun prerekwiżit.

3.5.2   Meta wieħed iqis li l-impjieg u t-tkabbir tal-produttività tax-xogħol għandhom ikunu oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-Istati Membri, li qed jiffaċċjaw l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, il-Kumitat jirrakkomanda li l-politiki kollha li l-gvernijiet ikollhom l-intenzjoni li jimplimentaw ikollhom bħala bażi l-kunsens minn qabel tal-imsieħba soċjali.

3.6   Il-ħtieġa għal riformi tal-pensjonijiet

3.6.1   Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet għar-riforma tal-pensjonijiet li saru mill-Kummissjoni lill-Istati Membri taħt l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 u l-2012, il-Kumitat jaħseb li:

a.

żieda fl-età effettiva ta’ rtirar trid issir permezz ta’ politiki negozjati mal-imsieħba soċjali li jħeġġu ħajja tax-xogħol itwal u mhux permezz ta’ mekkaniżmi awtomatiċi li jżidu l-età statutorja ta’ rtirar, kif rakkomandat mill-Kummissjoni;

b.

l-aċċess ristrett għal irtirar kmieni għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, b'mod speċjali dawk li x-xogħol tagħhom huwa partikolarment iebes jew perikoluż u dawk li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom (qabel ma għalqu 18-il sena);

c.

l-aqwa approċċ biex tiżdied l-età effettiva ta’ rtirar jinvolvi li l-ħajja tax-xogħol titwal permezz ta’ aċċess aħjar għal programmi ta’ taħriġ, li l-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għal forza tax-xogħol iktar varjat, li jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ impjieg għal ħaddiema akbar fl-età, li jiġi appoġġat it-tixjiħ attiv u f'saħħtu, u jitneħħew l-ostakli legali u oħrajn li jxekklu l-aċċess għal impjieg għall-ħaddiema akbar fl-età;

d.

l-ugwaljanza tal-età statutorja ta’ rtirar tal-irġiel u tan-nisa għandha ssir fil-qafas ta’ perjodu ta’ żmien li jqis is-sitwazzjoni speċifika tas-suq tax-xogħol ta’ kull Stat Membru; għandha tingħata attenzjoni speċjali li jitnaqqsu d-differenzi bejn id-drittijiet tal-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa;

e.

l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ tfaddil komplementari għall-irtirar għandu jintlaħaq permezz tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fil-għamla ta’ skemi ta’ pensjonijiet professjonali, billi matul il-kriżi finanzjarja wrew li huma iżjed sikuri minn tipi oħra ta’ skemi ffinanzjati, kif ukoll fl-għamla ta’ tfaddil privat ma’ inċentivi tat-taxxa mmirati, b'mod speċjali għal dawk li ma jaffordjawx dawn is-servizzi.

3.7   Il-ksib ta’ bilanċ bejn it-tul tal-ħajja professjonali u l-irtirar

3.7.1   Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw żieda fl-età effettiva ta’ rtirar, li jfisser perjodu itwal ta’ ħidma, permezz ta’ miżuri attivi li jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal fuq bażi volontarja. Żieda awtomatika fl-età statutorja ta’ rtirar abbażi ta’ żidiet previsti fl-istennija tal-għomor tista' tkun kontroproduċenti, b'ħafna ħaddiema ikbar fl-età, speċjalment dawk bi problemi tas-saħħa, jagħżlu li jduru għal pilastri oħrajn tas-sigurtà soċjali (6).

3.7.2   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li r-riforma tal-pensjonijiet m'għandhiex issir b'tali mod li l-ispejjeż jintrefgħu minn ġenerazzjonijiet ta’ ħaddiema ta’ età iżgħar jew mill-pensjonanti attwali biss. Huwa possibbli għall-Istati Membri li jimplimentaw miżuri ta’ riforma li ma jaffettwawx l-interessi tal-ħaddiema jew dawk tal-pensjonanti.

3.7.3   Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri li miżuri li jirrestrinġu l-aċċess għal irtirar kmieni jiġu implimentati b'attenzjoni xierqa għall-interessi tal-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'xogħol iebes jew perikoluż jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna f'ħajjithom (qabel l-età ta’ 18-il sena). Għal ħafna ħaddiema li jidħlu f'dawn il-kategoriji, jekk l-aċċess tagħhom għal irtirar kmieni jiġi ristrett effettivament dan ifisser li jitneħħewlhom id-drittijiet għall-pensjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġaddiema f'dawn il-gruppi għandhom stennija tal-għomor iktar baxxa u huma inqas f'saħħithom meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra. Dawn l-arranġamenti jridu jibqgħu f'idejn l-Istati Membri skont il-prattiki u l-kondizzjonijiet nazzjonali tagħhom, u msejsa fuq il-ftehimiet mal-imsieħba soċjali.

3.7.4   Il-Kumitat jagħraf il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-proċessi ta’ riforma li jitwettqu mill-Istati Membri jikkonċentraw fuq il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal. Sempliċiment billi tiżdied l-età statutorja ta’ rtirar jew jitnaqqsu l-pensjonijiet billi tinbidel is-sistema ta’ indiċjar jista' jwassal biex miljuni ta’ pensjonanti jaqgħu taħt il-linja tal-faqar.

3.7.5   Skont ir-rapport tal-Eurostat (7) 'il fuq minn 35 % tal-ħaddiema fil-grupp ta’ età 50-69 huma lesti jaħdmu wara li jagħlqu 65 sena. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-fehma tal-Kummissjoni li t-tneħħija ta’ ostakli għal ħajja tax-xogħol itwal hija, fost oħrajn, waħda mis-soluzzjonijiet għall-Istati Membri.

3.7.6   Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa ma tistax titnaqqas sempliċiment billi l-età tal-irtirar issir ugwali, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw taħlita ta’ politiki tal-pensjonijiet u tal-impjieg biex jeradikaw dawn id-diskrepanzi. Bħala parti tar-reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar il-pensjonijiet tal-UE, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn iż-żewġ ġeneri.

3.8   L-iżvilupp tat-tfaddil privat u komplementari għall-irtirar

3.8.1   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-pensjonijiet tal-UE. Madankollu, il-Kumitat jemmen li għandha tingħata attenzjoni hawnhekk mhux biss lill-aspetti relatati mal-attivitajiet transkonfinali tal-fondi tal-pensjonijiet u l-mobilità tal-ħaddiema, iżda wkoll il-kwistjonijiet ta’ superviżjoni u sorveljanza mill-korp tal-pensjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-informazzjoni lill-konsumatur u l-ħarsien tiegħu.

3.8.2   Il-Kumitat japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita sistema ta’ servizzi ta’ traċċar tal-pensjonijiet fl-UE, billi jiġu interkonnessi s-servizzi fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju reali għan-nies li jkunu ħadmu f'diversi Stati Membri.

3.8.3   Il-White Paper ma tadottax l-approċċ korrett lejn l-approċċ tal-għoti ta’ pensjonijeit professjonali kosteffettivi u għaldaqstant lejn it-tkabbir futur tagħhom. B'mod partikolari, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP sabiex “jinżamm livell ekwu ma’ Solvenza II”. Dawn il-miżuri mhumiex iġġustifikati minn ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs ma’ fondi tal-pensjoni pprovduti mill-assikurazzjoni, billi dawn joperaw b'modi differenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, fondi tal-pensjoni ma joperawx fi swieq tal-imnut u/jew ikunu organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-qligħ. Ġeneralment huma pprovduti permezz ta’ xi ħadd li jħaddem u grupp ta’ min iħaddem f'settur, filwaqt li prodotti tal-pensjoni tal-assikurazzjoni jistgħu jiġu pprovduti wkoll lil individwi. Fondi tal-pensjoni għandhom karattru kollettiv (soġġett għal ftehim kollettiv). Madankollu, il-Kumitat jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tintroduċi miżuri mfassla speċifikament għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjoni.

3.8.4   Flimkien ma’ sistemi pubbliċi tal-pensjoni, ġew żviluppati wkoll sistemi komplementari kollettivi addizzjonali. Billi dawn tal-aħħar jipprovdu wkoll dħul addizzjonali lill-pensjonanti, għandhom jiġu ġeneralizzati lill-ħaddiema kollha. Madankollu, dawn m'għandhomx ikunu għażla alternattiva għall-ħlas ta’ pensjonijiet pubbliċi u, billi huma msejsa fuq ftehimiet kollettivi, ċertament m'għandhomx jikkompromettuhom. L-impjegati kollha f'settur jew kumpanija għandu jkollhom aċċess għal dawn is-sistemi addizzjonali, li wkoll jittrattaw lill-irġiel u n-nisa b'mod ugwali. Barra minn hekk, huwa importanti li l-imsieħba soċjali jkunu involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-ġestjoni ta’ dawn is-sistemi. Flimkien mas-sistemi tal-pensjonijiet komplementari, li ssoltu joperaw bħala fondi ta’ investiment, l-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu wkoll biex isibu soluzzjonijiet li jkopru xi riskji oħra tal-ħajja, li ta’ sikwit inaqqsu d-dħul futur tal-pensjoni (bħal riskji tul il-ħajja, matul perjodi ta’ mard jew anke ta’ qgħad jew assenza mix-xogħol għal raġunijiet familjari) sabiex jiġi żgurat livell adegwat għall-pensjonijiet futuri.

3.9   L-użu tal-istrumenti tal-UE

3.9.1   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli legali, finanzjarji u ta’ koordinazzjoni biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżguraw sistemi ta’ pensjonijiet adegwati u sikuri. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwa essenzjali li jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċifvili u l-imsieħba soċjali fl-istadji kollha tal-konsultazzjoni, tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ riforma tal-pensjonijiet. Fl-istess waqt, kull meta jiġi propost kwalunkwe regolament tal-UE mhux relatat b'mod dirett mas-sistemi tal-pensjonijiet, huwa importanti li tiġi inkluża valutazzjoni tal-impatt tiegħu fuq is-sistemi tal-pensjonijiet (speċjalment l-istabbilità u l-livelli ta’ pensjonijiet futuri).

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 318, 29.10.2011, pp. 1-8

(2)  ĠU C 143, 22.05.2012, pp. 23-28

(3)  ILO: Pension Reform in Central and Eastern Europe, 2011, p. 16, ISBN 978-92-125640-3 (web pdf).

(4)  Din is-sitwazzjoni tiddomina f'uħud mill-Istati Membri li żviluppaw skemi tal-pensjonijiet supplimentarji, u jiffinanzjawhom b'parti mill-fondi pubbliċi tal-pensjonijiet.

(5)  ĠU C 318, 29.10.2011, pp. 1-8 ĠU C 161, 13.7.2007, p. 1-8 ĠU C 44, 11.2.2011, pp. 10-16

(6)  ĠU C 84, 17.3.2011, pp. 38-44

(7)  Active ageing and solidarity between generations – a statistical portrait of the European Union 2012 (Tixjiħ attiv u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet – ritratt permezz tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea 2012), p. 57.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 3.6.1 (b)

Ibdel it-test kif ġej:

“(…) b.

l-aċċess ristrett għal irtirar kmieni għandu jqis is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, b’mod speċjali dawk li x-xogħol tagħhom huwa partikolarment iebes jew perikoluż;”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

88

Kontra

:

124

Astensjonijiet

:

14

Punt 3.7.1

Ibdel it-test kif ġej:

“Il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri jistgħu , permezz ta’ miżuri attivi jinkoraġġixxu ħajja tax-xogħol itwal fuq bażi volontarja. Żieda awtomatika fl-età statutorja ta’ rtirar abbażi ta’ żidiet previsti fl-istennija tal-għomor tista’ tkun kontroproduċenti, b’ħafna ħaddiema ikbar fl-età, speċjalment dawk bi problemi tas-saħħa, jagħżlu li jduru għal pilastri oħrajn tas-sigurtà soċjali6.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

80

Kontra

:

135

Astensjonijiet

:

10

Punt 3.7.3

Ibdel it-test kif ġej:

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri li miżuri li jirrestrinġu l-aċċess għal irtirar kmieni jiġu implimentati b’attenzjoni xierqa għall-interessi tal-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f’xogħol iebes jew perikoluż. Għal ħafna ħaddiema li jidħlu f’dawn il-kategoriji, jekk l-aċċess tagħhom għal irtirar kmieni jiġi ristrett effettivament dan ifisser li jitneħħewlhom id-drittijiet għall-pensjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġaddiema f’dawn il-gruppi għandhom stennija tal-għomor iktar baxxa u huma inqas f’saħħithom meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra. Dawn l-arranġamenti jridu jibqgħu f’idejn l-Istati Membri skont il-prattiki u l-kondizzjonijiet nazzjonali tagħhom, u msejsa fuq il-ftehimiet mal-imsieħba soċjali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

88

Kontra

:

124

Astensjonijiet

:

14


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020”

COM(2011) 884 final — 2011/0436 (APP)

2012/C 299/22

Relatur: is-Sur GOBIŅŠ

Nhar l-19 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020

COM(2011) 884 final – 2011/0436 (APP).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 140 vot favur, voti 1 kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bis-sħiħ it-tkomplija tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” kif ukoll il-karatteristiċi fundamentali tiegħu: it-tħeġġiġ u l-appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini Ewropej fil-ħajja pubblika u politika, u s-solidarjetà u l-kollaborazzjoni reċiproċi bbażati fuq valuri komuni u l-identità Ewropea.

1.2

Iċ-ċittadinanza attiva tinkludi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, ta’ gruppi taċ-ċittadini u dik tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-imsieħba fid-djalogu strutturat, fit-tfassil tal-politiki (djalogu vertikali bejn is-soċjetà ċivili u l-amministrazzjonijiet pubbliċi) kif ukoll in-netwerking u l-kooperazzjoni bejniethom (djalogu orizzontali). Il-KESE jilqa' l-fatt li l-proposta attwali tipprevedi li tappoġġja dawn iż-żewġ aspetti anke jekk xorta waħda jeħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod aktar preċiż l-arranġamenti tad-djalogu orizzontali.

1.3

B'mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea iżda jappella għal parteċipazzjoni akbar mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba tad-djalogu strutturali fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm. Din l-opinjoni tiġbor fiha rakkomandazzjonijiet u emendi konkreti li ser iwasslu għat-titjib tal-programm billi jkun aktar qrib taċ-ċittadini u adattat għall-bżonnijiet tagħhom.

1.4

Kif tiddikjara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, f'dan il-mument l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw problemi serji relatati mal-leġittimità. Il-livell baxx ta’ fiduċja taċ-ċittadini, l-apatija u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet idgħajfu b'mod fundamentali l-ideal Ewropew u jipperikolaw il-kwalità tad-deċiżjonijiet u l-iżvilupp fit-tul tal-Unjoni (1). Din is-sitwazzjoni tolqot l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha: dak lokali, nazzjonali, transnazzjonali u Ewropew. Il-pakkett finanzjarju tal-programm propost sabiex titwettaq il-ħidma meħtieġa mhuwiex biżżejjed, u għaldaqstant jeħtieġ li nagħmlu li nistgħu biex jiżdied dan il-finanzjament.

1.5

Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandu jikkonforma mal-liġijiet demokratiċi stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona u jiffavorixxi li dawn jiġu ankrati fl-Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi tal-parteċipazzjoni u t-trasparenza previsti fl-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Madankollu l-programm ma jistax ikun operattiv għalkollox ħlief jekk l-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu l-obbligi tagħhom biex jiġu implimentati l-artikoli msemmija, partikolarment bit-tfassil ta’ Green Papers. Bl-istess mod, il-programm bl-ebda mod ma jista' jieħu post l-impenji li jieħdu d-direttorati ġenerali differenti tal-Kummissjoni Ewropea fuq ir-riżorsi proprji tagħhom u lanqas ma jista' jservi jservi biex jappoġġja aktar milli kien qed jagħmel s'issa, fl-isferi ta’ kompetenzi tagħhom, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, id-djalogu u l-isħubijiet maċ-ċittadini.

1.6

Il-KESE huwa konxju wkoll tal-preokkupazzjonijiet ta’ ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jibżgħu li l-programmi annwali ta’ ħidma jistgħu jirrestrinġu wisq l-ispazju li jingħata lit-temi tal-programm li jieħdu fit-tul, jekk ma jitneħħewx għalkollox, jew saħansitra jneħħu l-possibbiltà li ċ-ċittadini jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet tagħhom huma stess. Il-Kumitat għandu l-istess preokkupazzjonijiet.

1.7

Il-komponent iddedikat għall-memorja storika għandu jippromovi l-identità komuni u l-valuri. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni proposta fil-programm li tinkludi l-kommemorazzjoni tal-vittmi tar-reġim Nazista u dak tal-komuniżmu totalitarju, inkluż wara l-1953, u l-importanza tar-rwol li kellha s-soċjetà biex tgħaqqad l-Ewropa wara tant żmien ta’ firda.

1.8

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġjata parteċipazzjoni taċ-ċittadini sostenibbli, sostanzjali u kemm jista' jkun possibbli strutturata fil-livelli kollha u fl-istadji kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Għal dan il-għan, il-KESE qed jagħmel ukoll il-proposti li ġejjin minbarra s-suġġerimenti msemmija hawn fuq:

Għandha tingħata prijorità lis-sussidji li jappoġġjaw it-tibdil strutturali, il-parteċipazzjoni u l-isfruttar tal-memorja istituzzjonali, u għandha tingħata attenzjoni biex fil-programm ma tinħoloqx interruzzjoni bejn il-perjodu baġitarju attwali u dak ta’ wara. F'każ ta’ bżonn, għandu jiġi stabbilit perjodu tranżitorju biex jiġi garantit li l-għanijiet jintlaħqu f'dan il-perjodu ta’ intervall.

Il-kriterji ewlenin ta’ selezzjoni tal-programm jridu jkunu bbażati fuq id-dimensjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Unjoni Ewropea u mhux fuq l-implimentazzjoni fil-livell Ewropew. Għandha tiġi prevista wkoll il-possibbiltà ta’ sussidju għall-parteċipazzjoni fil-proċess tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali.

Rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-imsieħba fid-djalogu strutturat għandhom jiġu assoċjati fil-grupp ta’ tmexxija tal-programm u t-tmexxija tal-proġetti għandha tiġi semplifikata, partikolarment is-sistema ta’ valutazzjoni, filwaqt li jinżammu l-kontrolli kollha meħtieġa.

Il-volontarjat għandu jiġi rikonoxxut bħala kofinanzjament. Barra minn hekk, għandu jiġi previst appoġġ speċifiku jew tinħoloq kategorija distinta għall-proġetti ta’ daqs żgħir fl-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni hija partikolarment żvantaġġata fl-oqsma marbutin mal-għanijiet tal-programm fir-rigward tal-attività tas-soċjetà ċivili jew f'dawk l-oqsma fejn hemm parteċipazzjoni baxxa.

Fil-każ li l-kandidat li jipproponi proġett ikun amministrazzjoni pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jiġi ffinanzjat fil-parti l-kbira mit-taxxi, il-kontribuzzjonijiet jew dħul simili, għandu jkun hemm obbligu ta’ sħubija ma’ tal-anqas organizzazzjoni waħda mis-soċjetà ċivili. B'mod partikolari għandha tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn il-Lvant u l-Punent jew fil-ġemellaġġi tal-bliet inkella fi proġetti oħra.

2.   Kummenti ġenerali – il-kontenut tal-programm

2.1

Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għandu jikkontribwixxi biex jikkonkretizza fil-lokalitajiet ir-regoli tad-demokrazija kif stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona, b'mod partikolari l-Artikoli 10 u 11 tat-TUE. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija biss waħda mill-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni previsti fit-Trattat; dalwaqt jitniedu inizjattivi oħra. Dan il-programm jagħti riżultati wkoll jekk l-UE tieħu aktar bis-serjetà l-ħtiġijiet politiċi elenkati fid-dettall f'Opinjonijiet oħra tal-KESE; b'mod partikolari huwa indispensabbli t-tfassil ta’ Green Papers dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

2.2

Bħalissa, l-unika bażi legali espliċitament ikkwotata għal din il-proposta hija l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2). Il-KESE jitlob li jiġu identifikati l-artikoli tat-testi fundamentali li jistabbilixxu l-għanijiet li l-programm għandu jilħaq. Jeħtieġ li ssir distinzjoni b'mod partikolari bejn l-Artikoli 10 u 11 tat-TUE u l-Artikolu 15 tat-TFUE (3). Barra minn hekk, fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni hemm referenza għall-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi d-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, iżda ma hemmx referenza għall-artikoli rilevanti l-oħra ta’ din il-Karta bħall-Artikolu 11 (Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni), l-Artikolu 12 (Il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni), l-Artikolu 41 (Id-dritt għal amministrazzjoni tajba) u l-Artikoli 20 sa 26 li jipprevedu l-ugwaljanza tad-drittijiet tal-persuni u l-gruppi soċjali differenti u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet (4). Madankollu jeħtieġ li jiġi speċifikat li dan il-programm ma jistax ikun l-uniku strument u lanqas l-istrument ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet msemmija hawn fuq.

2.3

Il-KESE jenfasizza li l-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva huma valuri universali u inseparabbli u li l-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika (lokali, nazzjonali u Ewropew) huma interkonnessi. Ħafna deċiżjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea jolqtu l-livell lokali u nazzjonali. Barra minn hekk, huma dawn il-livelli li jippromovu d-deċiżjonijiet tal-UE u jikkontribwixxu għat-tfassil tagħhom. Il-programm għandu jirrifletti din ir-realtà u jeħtieġ li jinstabu r-riżorsi neċessarji għal dan il-għan filwaqt li tinżamm bħala prijorità d-dimensjoni Ewropea, irrispettivament mil-livell fejn jopera dak li jwettaq il-proġett (nazzjonali jew Ewropew). Miżuri bħal dawn għandhom ikunu jistgħu jitwettqu mingħajr imsieħba tansnazzjonali. Ta' min jappoġġja wkoll, permezz ta’ żieda fil-finanzjament, dawk li jwettqu l-proġetti ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE li joperaw fil-livell lokali.

2.4

Il-Kumitat jinnota li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma ta’ importanza partikolari hekk kif qed tiżvolġi l-kriżi, u li spiss dawn ġew milquta ħażin ħafna min-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli. Għalhekk is-sussidji amministrattivi fit-tul għandhom post partikolarment importanti fil-programm, l-istess kif għandu l-appoġġ għad-djalogu strutturat u għall-organizzazzjonijiet hekk imsejħa ta’ “viġilanza” (watch dogs) u l-parteċipazzjoni fir-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej attwali. Il-programm għandu jappoġġja b'mod partikolari l-azzjonijiet, l-għarfien miksub u r-riżultati tas-snin Ewropej 2011 sal-2013 kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost l-oħrajn dawk tal-imsieħba soċjali.

2.5

Iċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini huma loġikament marbutin ma’ attivitajiet li jħeġġu l-iskambju tal-informazzjoni u l-ideat kif ukoll ir-riflessjoni dwar l-identità komuni, il-valuri u l-istorja. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni li hija proposta fil-qafas tal-programm għall-komponent iddedikat għall-kommemorazzjoni tal-vittmi tar-reġim Nazista u dak tal-komuniżmu totalitarju, inkluż wara l-1953. Jeħtieġ ukoll li jiġi appoġġjat dibattitu pubbliku li fil-futur jippromovi għarfien u tagħlim aktar kompleti tal-istorja tal-Ewropa billi tiġi enfasizzata l-importanza tas-soċjetà fir-riunifikazzjoni ta’ Ewropa li kienet ilha żmien twil mifruda. Huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lis-sensibilità storika taż-żgħażagħ li jiffurmaw il-bażi tal-futur, il-libertà u l-prosperità komuni tal-UE.

2.6

Il-KESE jenfasizza li jeħtieġ li ċ-ċittadini jipparteċipaw b'mod aktar wiesa', pjuttost milli l-uffiċjali u l-aġenti tal-istituzzjonijiet biss, fil-proġetti u l-attivitajiet żviluppati fil-qafas tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”, b'mod partikolari l-ġemellaġġi tal-bliet. Fil-każ li l-kandidat li jipproponi proġett ikun amministrazzjoni pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jiġi ffinanzjat fil-parti l-kbira mit-taxxi, il-kontribuzzjonijiet jew dħul simili, għandu jkun hemm obbligu ta’ sħubija ma’ tal-anqas organizzazzjoni waħda mis-soċjetà ċivili. Jeħtieġ li jiġi previst appoġġ partikolari għall-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda, b'mod partikolari s-Sħubija Lvant-Punent.

3.   Kummenti speċifiċi

Koordinazzjoni ta’ “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” ma’ programmi oħra

3.1

Il-KESE huwa sodisfatt bil-modifiki li saru lill-proposta inizjali, li jipprevedu kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn “L-Ewropa għaċ-ċittadini” u programmi oħra, partikolarment dawk li jirrigwardaw il-viċinat. Fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-proposta u fid-dawl tal-ilħiq tal-għanijiet 2020, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar ma’ Interreg u l-programmi mmirati lejn il-mezzi tax-xandir u ż-żgħażagħ.

3.2

Il-KESE jirrakkomanda li jinstab mill-aktar fis mod kif tiġi kkoordinata l-informazzjoni dwar “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” u programmi oħra tal-UE bil-għan li kull ċittadin ikun jista', f'sit wieħed, isir jaf dwar il-possibbiltajiet kollha li huma disponibbli. Minn konsultazzjoni pubblika (5) li saret mill-Kummissjoni jidher li m'hemmx għarfien ċar dwar it-tipi ta’ attivitajiet li huma prinċipalment appoġġjati u lanqas tal-programm li jaqbel li jintuża. Iż-żgħażagħ għandhom jirċievu attenzjoni partikolari.

3.3

Kif diġà għamel f'Opinjoni preċedenti, il-Kumitat jitlob li titjieb b'mod sinifikanti l-koordinazzjoni, pereżempju billi tinħoloq unità interistituzzjonali permanenti għall-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni li tiġbor fiha rappreżentanti ta’ diversi direttorati ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE (6).

Aspetti finanzjarji

3.4

Il-finanzjament tal-programm mhuwiex biżżejjed. Fid-dawl tal-fatt li fis-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali, iż-żieda fil-baġit tal-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” tirrappreżenta sfida politika u finanzjarja, il-KESE jinsisti fuq l-importanza assolutament kapitali tal-programm u josserva li, fil-prinċipju, hemm bżonn li jiżdied b'diversi drabi l-finanzjament tiegħu li llum il-ġurnata mhuwiex adatt biex jinkisbu riżultati tanġibbli fil-livell tal-Ewropa (7) u jqanqal diżappunt fost atturi potenzjali tal-proġetti. L-ammont attwali tal-pakket jista' jqajjem mistoqsijiet dwar l-importanza mogħtija lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kapaċità ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex iwettqu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona.

3.5

Il-Kumitat jappella għal riflessjoni dwar il-mod kif jiġu allokati riżorsi addizzjonali għall-“Ewropa għaċ-Ċittadini”, riżorsi li jkunu ġejjin mir-riżorsi li ma jkunux intużaw matul il-perjodu ta’ programmazzjoni fil-qafas tal-programmi l-oħra.

3.6

Bil-għan li tiġi garantita parteċipazzjoni wiesgħa u inklużiva fil-qafas tal-programm u biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra l-organizzazzjonijiet iż-żgħar li ma tantx ikollhom riżorsi finanzjarji, kif ukoll biex titjieb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-programm fi ħdan l-Ewropa, il-KESE jirrakkomanda li jiġu appoġġjati wkoll il-proġetti ż-żgħar li għandhom dimensjoni Ewropea. Meta mqabbel mal-programm attwali, jeħtieġ li, b'mod partikolari għall-programmi tas-soċjetà ċivili, jonqsu kemm il-livell minimu tal-baġit tagħhom kif ukoll il-volum ta’ konfinanzjament, jiżdied il-prefinanzjament, jitneħħa l-obbligu ta’ kollaborazzjoni ma’ msieħeb barrani u jonqsu l-ispejjeż amministrattivi, filwaqt li jinżamm il-kontroll neċessarju fejn ikun meħtieġ. Fil-perjodu li jmiss tal-programm, għandu jkun hemm garanzija li l-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili jingħataw l-opportunità li jressqu talbiet għal sussidji żgħar mingħajr ma jkollhom għalfejn jinvestu huma stess diversi għaxriet ta’ eluf ta’ euro fil-kofinanzjament. L-ammont medju li huwa previst bħalissa għal kull proġett, li huwa ta’ EUR 80 000, huwa preokkupanti. Matul l-ippjanar tal-programm, jeħtieġ li jiġu valutati bir-reqqa u jiġu eliminati wkoll aspetti oħra li jistgħu jwasslu biex id-dispożizzjonijiet tal-programm ikunu diskriminatorji kontra ċerti promoturi tal-proġetti jew gruppi mmirati.

3.7

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrifletti dwar il-mod kif tagħti appoġġ speċifiku jew toħloq kategorija distinta għall-proġetti ta’ daqs żgħir fl-Istati Membri fejn l-attività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma marbuta mal-objettiv tal-programm hija partikolarment żvantaġġata jew fejn il-parteċipazzjoni hija baxxa.

3.8

Matul il-perjodu ġdid ta’ programmazzjoni, jeħtieġ li jinstab mezz kif jingħata rendikont tax-xogħol volontarju fi ħdan il-kofinanzjament applikat (8).

3.9

It-tisħiħ tal-azzjonijiet u l-valuri taċ-ċittadini fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda Ewropej joffri sfida u ħidma determinanti għall-ġejjieni tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltà li fil-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” tinkludi aktar il-proġetti taż-żgħażagħ li ma jitwettqux fil-qafas tal-programm “Erasmus għal kulħadd”, b'mod partikolari l-proġetti rilevanti għall-inizjattiva Żgħażagħ. Il-proġetti bil-għan li jippromovu r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji jistgħu wkoll jikkostitwixxu element tematiku ġdid.

Ġestjoni u amministrazzjoni tal-programm

3.10

Hija mixtieqa amministrazzjoni deċentralizzata tal-programm, b'mod partikolari għall-proġetti ż-żgħar imsemmija fil-punt 3.6. Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha biex tinvolvi kemm jista' jkun lir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ dan il-programm (9) iżda jeħtieġ li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li jiġi żviluppat l-użu tar-rappreżentanzi jew ta’ strutturi oħra fil-livell nazzjonali, inkluż għall-ġestjoni tat-taqsimiet differenti tal-programm. L-informazzjoni għall-pubbliku u l-amministrazzjoni tal-programm huma attivitajiet komplementari. Soluzzjoni oħra tista' tkun li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu implimentati għadd ta’ proġetti żgħar billi jintużaw sussidji globali.

3.11

L-amministrazzjoni tal-programm għandha tkun kompletament miftuħa u trasparenti. Il-KESE jinsab sodisfatt bil-konsultazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea diġà nediet fil-qafas tal-programm. Madankollu, meta wieħed iqis in-natura partikolari tal-programm, għandha tiġi stabbilita l-possibbiltà li r-rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba fid-djalogu strutturat jipparteċipaw fil-ħidma tal-kumitat ta’ tmexxija tal-programm, billi jingħatalhom l-istatus ta’ espert, ta’ membru sħiħ, ta’ osservatur, ta’ osservatur attiv jew status simili jew inkella billi jinħoloq grupp ta’ ħidma interistituzzjonali, formali jew mhux formali bl-inkarigu li jiżviluppa programm annwali.. Dispożizzjonijiet bħal dawn jippermettu li jiġi implimentat il-kunċett ta’ sħubija u li jkun hemm skambju effikaċi tal-informazzjoni minn stadju bikri tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li dawn ir-rappreżentanti jkunu involuti mill-qrib fl-istadji kollha tal-valutazzjoni tal-programm u tal-iżvilupp addizzjonali tiegħu (10).

3.12

Għandhom jiġu eliminati r-riskji identifikati mis-soċjetà ċivili f'dak li jirrigwarda l-prijoritajiet annwali tal-programm ta’ ħidma, il-miżuri fuq perjodu qasir ta’ żmien u l-inizjattivi urġenti, li m'għandhomx jostru jew jirrestrinġu b'mod unilaterali l-għanijiet fundamentali tal-programm. Jeħtieġ li s-soċjetà ċivli tkun tista' tagħżel hija stess temi pertinenti għall-proġetti tagħha, li jirrispettaw dawn l-għanijiet.

3.13

Il-KESE jinsisti fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ valutazzjoni tal-proġetti f'żewġ stadji. L-għadd ta’ talbiet rifjutati minħabba nuqqas ta’ finanzjament huwa impressjonanti. Bħalissa, proġett wieħed minn kull għoxrin biss jibbenefika minn appoġġ fi ħdan il-komponenti differenti tal-programm. Dan m'għandux iwassal għal ħela ta’ riżorsi fi ħdan l-organizzazzjonijiet li jagħmlu talba, ħela li tkunilhom ta’ ħsara u li tmur kontra l-għanijiet fundamentali tal-programm. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar skadenzi għat-tressiq tal-proġetti.

3.14

Fir-rigward tal-ippjanar tal-ispejjeż amministrattivi tal-programm, li jidhru esaġerati, peress li jilħqu madwar 11 % tal-baġit previst għall-programm kollu, il-KESE jistieden li titqies il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji (11) u tas-soluzzjonijiet proposti f'din l-opinjoni biex jonqsu l-ispejjeż, partikolarment permezz ta’ sussidji globali u ta’ sistema ta’ valutazzjoni f'żewġ stadji, eċċ.

3.15

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti punti ta’ kuntatt għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” mill-aktar fis fl-Istati Membri fejn għad m'hemmx u li jissaħħu l-attivitajiet u l-viżibbiltà tagħhom.

Effikaċja, sostenibbiltà u rendiment meta mqabbel mar-riżorsi użati

3.16

Kif jirrikonoxxu l-Kummissjoni Ewropea u l-ħafna rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li staqsiet (12), jeħtieġ li fil-ġejjieni l-programm ikun aktar marbut mill-qrib mal-proċess konkret tat-teħid tad-deċiżjonijiet u mal-iskeda politika Ewropea. Il-KESE jilqq' l-fatt li wieħed mill-kriterji tar-riżultati tal-programm il-ġdid huwa l-għadd u l-kwalità ta’ dawn l-inizjattivi politiċi li tnedew minħabba l-attivitajiet li huwa appoġġja. Għaldaqstant, il-programm jista' jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE. Bl-istess mod, il-KESE jilqa' b'mod favorevoli t-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskambju tal-prattiki tajba u li jinġabru l-ideat dwar il-parteċipazzjoni tas-soċjetà (13).

3.17

L-azzjonijiet kollha appoġġjati mill-programm għandhom jipproduċi riżultati li jippermettu użu konkret, għandhom ikunu kostanti u sostenibbli u jippreżentaw l-ogħla livell ta’ viżibbiltà possibbli. Dawn ir-riżultati jridu jinkisbu wkoll fl-organizzazzjoni tad-diskussjonijiet, tal-laqgħat qosra taċ-ċittadini u bl-iżvilupp ta’ kuntatti reċiproċi. Xi attivitajiet tal-Presidenza, pereżempju, jistgħu jinbidlu f'fora regolari ta’ diskussjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE.

3.18

Il-KESE jirrakkomanda li s-sussidji operattivi jsiru aktar aċċessibbli b'enfasi partikolari fuq il-livell Ewropew iżda wkoll dak nazzjonali għaliex huma dawn is-sussidji li jippermettu li organizzazzjoni tiżviluppa l-kompetenzi tagħha, issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha li tieħu sehem fit-tfassil tal-politiki u li tirreaġixxi malajr għal sfidi ġodda (14). Għall-kuntrarju, is-sussidji tal-proġetti sikwit ikunu ffukati fuq inizjattivi speċifiċi u sikwit ikun aktar diffiċli li jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-memorja istituzzjonali u l-kwalità tal-azzjoni permezz tagħhom. Għandhom jiġu verifikati l-ammonti medji, l-għadd ta’ proġetti u l-indikaturi l-oħra li huma previsti fl-anness għall-proposta attwali.. Dawn il-punti ma jistgħux ikunu sors ta’ diskriminazzjoni finanzjarja jew amministrattiva għall-organizzazzjonijiet ta’ daqs medju minħabba fil-livelli għolja ta’ kofinanzjament jew punti oħra. Ikun aktar għaqli li ma jiġi stabbilit l-ebda limitu minimu jew li dan ikun baxx ħafna meta mqabbel mal-volum tas-sussidju, b'mod li b'hekk jiżdied l-għadd ta’ benefiċjarji jew it-tul tal-appoġġ mogħti.

3.19

Fil-każ tal-imsieħba ta’ fiduċja, għandhom jintużaw b'mod mifrux l-għajnuniet strutturali fit-tul. Għandu jittawwal ukoll il-perjodu massimu tal-proġetti meta jkun hemm bżonn.

4.   Rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea

Dawn l-emendi jesprimu l-fehma tal-KESE dwar ċerti aspetti fundamentali tal-programm. Biex jitqiesu l-punti espressi fl-ewwel sezzjoni u tiġi żgurata l-koerenza interna tat-test, jista' jagħti l-każ li jkun hemm bżonn li jsiru aktar emendi fil-kontenut tal-proposta, tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni u fl-anness tal-proposta.

4.1

Fir-raba' premessa tal-preambolu, il-KESE jirrakkomanda li tiġi spjegata jew titneħħa r-referenza li “L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tipprovdi opportunità unika biex tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament fit-tfassil tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE (15)” għaliex tista' tqajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat ta’ Lisbona.

4.2

Fir-raba' premessa tal-preambolu, il-KESE jirrakkomanda li l-espressjoni “fil-[livell] (sic.) transnazzjonali u tal-Unjoni” tiġi sostitwita bl-espressjoni “fil-livell tal-Unjoni u dak transnazzjonali kif ukoll, b'konformità mad-dimensjoni Ewropea, fil-livell nazzjonali”, fid-dawl tal-punti 2.3 u 3.6 ta’ din l-opinjoni.

4.3

Fl-għaxar premessa tal-preambolu, il-KESE jissuġġerixxi li l-kelma “transnazzjonali” tiġi sostitwita bil-kelma “tal-programm” b'konformità mal-punti 2.3. u 3.6 ta’ din l-opinjoni.

4.4

Il-KESE jissuġġerixxi li jiżdied dan li ġej mal-erbatax-il premessa tal-preambolu: “fil-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-imsieħba fid-djalogu strutturat u r-rappreżentanti individwali tas-soċjetà ċivili Ewropea”.

4.5

Fir-rigward tas-sittax-il premessa tal-preambolu, il-KESE jipproponi s-sostituzzjoni tal-espressjonijiet “direttament marbuta mal-politiki tal-UE” u “fit-tfassil tal-aġenda politika tal-UE” bl-espressjonijiet “direttament marbuta mal-politiki li jitwettqu fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea” u “fit-tfassil tal-aġenda politika dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea”.

4.6

Biex nikkonkretizzaw l-osservazzjonijiet li saru fil-punt 3.13 ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jirrakkomanda li jiżdied dan li ġej wara t-tieni sentenza tas-sittax-il premessa tal-preambolu: “kif ukoll permezz tal-għażla f'żewġ stadji tal-proposti għal proġetti”.

4.7

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Artikolu 1 tal-proposta jiġi emendat kif ġej: Stabbiliment u objettivi ġenerali: “inħeġġu l-valuri u l-identità Ewropej”. Il-kunċett tal-“valuri u l-identità Ewropej” huwa usa' u aktar inklużiv. Dawn l-emendi għandhom isiru wkoll f'punti oħra tal-proposta.

4.8

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li fl-Artikolu 1, il-kliem “fil-livell tal-Unjoni” jiġi sostitwit kif ġej: “fil-kwistjonijiet u l-affarijiet relatati mal-Unjoni”, skont il-kummenti li saru hawn fuq, biex jiġi affermat li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ma tistax tiġi separata u li l-affarijiet relatati mal-UE ma jiġux deċiżi f'livell wieħed biss.

4.9

Fl-Artikolu 2(2), il-KESE jirrakkomanda li l-espressjoni “fil-livell tal-Unjoni” tiġi sostitwita hekk: “fil-kwistjonijiet u l-affarijiet relatati mal-Unjoni Ewropea”, kif ukoll li s-sentenza “billi jiżviluppa l-fehim taċ-ċittadini dwar il-proċess tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni” tiġi emendata kif ġej “billi jiżviluppa l-fehim taċ-ċittadini dwar it-tfassil tal-politiki li jikkonċernaw il-kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea u li jipparteċipaw aktar fih”.

4.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 3(2) jiġi emendat kif ġej:

(3)

Appoġġ għall-organizzazzjonijiet ta’ interess ġenerali Ewropew jew li għandhom dimensjoni Ewropea espliċita

(4)

Il-bini tal-Komunità u dibattiti dwar kwistjonijiet taċ-ċittadinanza li jinvolvu lil pubbliku immirat permezz tal-użu tal-ICT u/jew midja soċjali kif ukoll billi tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea f'mezzi u modi oħra ta’ komunikazzjoni

(5)

Avvenimenti fil-livell tal-Unjoni, f'każijiet speċifiċi u ġustifikati Raġuni: l-avvenimenti organizzati fil-livell tal-Unjoni mhux dejjem jirrappreżentaw valur miżjud peress li sikwit ilaqqgħu biss ċittadini li diġà jkunu informati u impenjati fir-rigward ta’ kwistjonijiet Ewropej, mingħajr ma r-riżultati ta’ dawn l-avvenimenti jiġġustifikaw l-ispejjeż għoljin li jirrikjedu

(7)

Riflessjoni/dibattiti fuq valuri komuni kif ukoll dwar il-ġejjieni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni f'dan ir-rigward

(8)

Inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar l-istituzzjonijiet tal-UE u l-funzjonament tagħhom, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u, b'mod partikolari, id-drittijiet demokratiċi, kif ukoll dwar il-proċess ta’ tfassil tal-politiki, b'mod partikolari tal-UE, fil-livell nazzjonali. F'dawn l-inizjattivi, jeħtieġ li l-għan ikun li ċ-ċittadini jiġu involuti fit-tfassil tal-politiki u fit-teħid tad-deċiżjonijiet f'kull livell u stadju.

(11)

Appoġġ tal-istrutturi ta’ informazzjoni/ta' pariri u tal-amministrazzjoni tal-programm fl-Istati Membri

(12)

punt ġdid: sussidji lir-reġjuni jew lill-Istati Membri eliġibbli, jew l-aċċess għal riżorsi oħra għall-attivitajiet marbutin mal-għanijiet tal-programm huwa limitat jew fejn ir-rata ta’ parteċpazzjoni taċ-ċittadini tkun taħt il-medja

4.11

Fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-proposta, il-KESE jenfasizza li kull fejn possibbli, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta kuntratti tal-akkwist pubbliku li sikwit iwasslu għall-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ relazzjonijiet pubbliċi ambizzjużi u għaljin iżda mbiegħda miċ-ċittadin. Jeħtieġ li l-attivitajiet kollha jippreżentaw ftuħ massimu għall-parteċipanti kollha fil-programm.

4.12

Il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 6 jiżdied b'konformità ma’ din l-Opinjoni, partikolament il-punt 2.6.

4.13

Ta' min jikkunsidra t-tneħħija mill-Artikolu 8 tad-dispożizzjoni dwar il-prijoritajiet ġodda li jiġu definiti kull sena għall-programm jew li tiġi ċċarata l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

4.14

Il-KESE jirrakkomanda li jiżdied dan li ġej mal-Artikolu 9: “3. għandha tiġi stabbilita l-possibbiltà li r-rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-imsieħba fid-djalogu strutturat jipparteċipaw fil-ħidma tal-kumitat ta’ tmexxija tal-programm, billi jingħatalhom l-istatus ta’ espert, ta’ membru sħiħ, ta’ osservatur, ta’ osservatur attiv jew status simili jew inkella billi jinħoloq grupp ta’ ħidma interistituzzjonali, formali jew mhux formali bl-inkarigu li jiżviluppa programm annwali”.

4.15

Il-KESE jirrakkomanda li jiżdied dan li ġej mal-Artikolu 10: “Il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 9 tal-proposta għandhom jiġu involuti b'mod wiesa' fl-istadji kollha tal-valutazzjoni tal-programm u fl-iżvilupp addizzjonali tiegħu.”

4.16

Il-KESE jissuġġerixxi li jiżdied dan li ġej mal-Artikolu 14(2): “għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni fuq bażi regolari.” Il-KESE jirrakkomanda li fil-bidu tal-Artikolu 14(3) jiżdied dan li ġej: “b'mod partikolari”.

4.17

Il-KESE jissuġġerixxi li fil-Kapitolu 2 tal-Anness (Ġestjoni tal-Programm) jiġi indikat li huwa mixtieq u previst li fl-amministazzjoni tal-komponenti differenti tal-programm jiġu involuti r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri jew strutturi oħra fil-livell nazzjonali li hija tqis kapaċi li jipparteċipaw.

4.18

Fir-rigward tal-kriterji ta’ valutazzjoni msemmija fl-Anness, il-KESE jenfasizza u jappoġġja b'mod partikolari impenn finanzjarju msaħħaħ fil-pajjiżi u r-reġjuni fejn ir-riżorsi mmirati lejn it-tilħiq tal-għanijiet tal-programmi huma limitati jew mhumiex aċċessibbli, jew inkella fejn l-indikaturi juru parteċipazzjoni baxxa.

4.19

Fil-punt 2.2.1 tad-“Dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva għall-proposti” il-KESE jirrifjuta b'mod kategoriku u jirrakkomanda li jitneħħa minn issa l-kumment li l-fatt li organizzazzjonijiet iż-żgħar u ta’ daqs medju jipparteċipaw fil-programm huwa sors ta’ riskju għall-ġestjoni tiegħu. B'konformità mal-kummenti li saru hawn fuq, jeħtieġ li jiġi nnutat li dawn il-gruppi huma adatti ferm għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u li jeħtieġ li jitħeġġu bil-mezzi kollha possibbli biex jimpenjaw ruħhom fil-programm, b'mod partikolari billi jiġu ffaċilitati t-tressiq u l-ġestjoni ta’ proġetti, billi jonqos il-livell minimu li l-baġit tagħhom għandu jikseb, billi jiġi permess li, fin-nuqqas tan-neċessitajiet oġġettivi, l-ebda msieħeb barrani ma jipparteċipa u billi jonqos il-volum ta’ kofinanzjament.

4.20

Il-KESE jirrakkomanda li jerġa' jiġi analizzat l-għadd ta’ proġetti definiti fl-Anness għall-attivitajiet differenti kif ukoll ir-rata ta’ finanzjament tagħhom b'tali mod li jitqiesu t-talbiet iddikjarati preċedentement f'din l-Opinjoni biex isiru aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar u ta’ daqs medju jew inkella li jinħolqu kategoriji speċifikament immirati għall-proġetti ż-żgħar, billi jiġu previsti f'dan ir-rigward aċċessibbiltà mtejba għas-sussidji operattivi, skadenzi itwal, eċċ.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p.137.-142.

(2)  COM(2011) 884 final.

(3)  GU C 83, 30.3.2010.

(4)  GU C 83, 30.3.2010.

(5)  Riżultati tal-konsultazzjoni onlajn imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea (2010-2011).

(6)  GU C 28, 30.2.2006, p. 29-34 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ara n-nota 7 f'qiegħ il-paġna.

(8)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46-52 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  COM(2011) 884 final.

(10)  Ara n-nota 7 f'qiegħ il-paġna.

(11)  Skont il-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea, il-baġit globali tal-2014-2020 għall-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” ser jammonta għal EUR 229 miljun, li EUR 206 miljun minnhom ser ikunu allokati direttament għall-azzjonijiet imwettqa fi ħdan il-programm u EUR 23 miljun għall-ispejjeż amministrattivi. Ara l-anness tad-dokument COM(2011) 884 final 2011/0436 (APP).

(12)  Riżultati tal-konsultazzjoni onlajn imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010-2011.

(13)  COM(2011) 884 final.

(14)  Ara wkoll Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politika Interna, Direttorat D għall-Affarijiet Baġitarji, “Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) mill-baġit tal-Unjoni Ewropea” (Financing of Non-governmental Organisations (NGO) from the EU Budget) (studju), verżjoni provviżorja, 2010 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Ara n-nota 14 f'qiegħ il-paġna.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/128


Opinjoni tal-Kumitat Ekononimiku u Soċali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea”

COM(2012) 85 final — 2012/0036 (COD)

2012/C 299/23

Relatur: is-Sur DE LAMAZE

Nhar il-15 ta’ Marzu 2012 u l-4 ta’ April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea

COM(2012) 85 final – 2012/0036 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’142 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva tal-Kummissjoni li għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas leġislattiv Ewropew attwali fir-rigward tal-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali. Filwaqt li jinsab imħasseb bħall-Parlament u l-Kunsill, beħsiebu jfakkar li l-kriminalità organizzata qed tissaħħaħ u ssir iżjed kumplessa, l-iktar meta titqies in-natura transkonfinali tagħha u l-mezzi konsiderevoli għad-dispożizzjoni tagħha. Peress li m’hemmx armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, l-organizzazzjonijiet kriminali japprofittaw mill-inqas leġislazzjonijiet severi u huwa urġenti li jiżdiedu l-isforzi fil-livell Ewropew. Dan jolqot is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, għan li jiġġustifika kompletament l-intervent tal-UE b’konformità mal-Artikoli 5(3) u 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

1.2   Madankollu, il-KESE jispeċifika li dan għandu jitfassal u jitwettaq b’rispett sħiħ tat-tradizzjoni u l-prattiki nazzjonali fil-qasam, u għandhom jitqiesu s-sensibbiltajiet partikolari, l-iktar fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tar-reati li jridu jiġu miġġielda.

1.3   Filwaqt li jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ globali, operattiv u integrat f’dan il-qasam, il-KESE jiddispjaċih li din il-Proposta ma tinkludix l-acquis communautaire fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-kooperazzjoni tas-servizzi ta’ investigazzjoni. L-identifikazzjoni u r-rintraċċar tar-rikavat tal-attività kriminali jeħtieġu b’mod partikolari t-tisħiħ tas-setgħat tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi, u tal-Eurojust. Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ:

kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kollha inkarigati mis-segwitu, il-prevenzjoni u l-ippenalizzar tat-traffikar fuq skala kbira, inkluża l-kooperazzjoni rigward il-mezzi ta’ implimentazzjoni;

kultura komuni fil-professjonijiet kollha konċernati;

approċċ transversali fid-DĠ kollha tal-Kummissjoni;

armonizzazzjoni tal-fiskalità u tal-proċeduri, li għaliha tista’ tikkontribwixxi l-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3.1   Apparti l-koordinazzjoni meħtieġa u l-iskambji sistematiċi tal-informazzjoni bejn l-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, il-KESE jqis li hemm bżonn li, fuq perjodu twil ta’ żmien, tiġi prevista ċ-ċentralizzazzjoni fil-livell Ewropew f’dan il-qasam, jew permezz ta’ struttura speċifika ġdida, jew permezz tal-Eurojust direttament. Meta wieħed iqis il-periklu involut, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ma tistax titwettaq b’sempliċi kooperazzjoni.

1.4   Huwa meħtieġ approċċ olistiku biex il-miżuri li jirrigwardaw l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attivitajiet kriminali jkunu effikaċi. Dan l-approċċ għandu jirregola l-istrument fl-aspetti kollha tiegħu, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-użu mill-ġdid ta’ beni konfiskati għal skopijiet primarjament soċjali.

F’dan ir-rigward għandha tiġi enfasizzata l-importanza li jiġi evitat ir-riskju li l-bejgħ dirett tal-beni jippermetti lill-assoċjazzjonijiet kriminali li jerġgħu jiksbu l-pussess.

1.5   Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar li l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ma tistax tiġġustifika ksur, ikunu xi jkun, tad-drittijiet fundamentali, u l-iktar dawk relatati mad-difiża, stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.   Kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Bil-għan li tipproteġi l-ekonomija legali mill-infiltrazzjoni tan-netwerks kriminali, din il-Proposta tistabbilixxi r-regoli minimi għall-Istati Membri fir-rigward tal-iffriżar u l-konfiska tal-assi ta’ oriġini kriminali – ir-rikavat, inkluż dak indirett, u l-istrumenti. Peress li l-bażi legali prinċipali tal-Proposta hija l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għall-“attivitajiet kriminali Ewropej”, li jinkludi r-reati li jkunu twettqu fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali, iżda biss sal-punt li dawn diġà ġew armonizzati fil-livell Ewropew.

2.2   Din il-Proposta, li tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA u, parzjalment, id-Deċiżjonijiet Qafas 2001/500/ĠAI (1) u 2005/212/ĠAI (2):

iddaħħal mill-ġdid id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-konfiska tar-rikavat u l-mezzi strumentali wara kundanna definittiva u l-konfiska tal-proprjetà li l-valur tagħha jkun ekwivalenti għar-rikavat wara kundanna definittiva għal reat kriminali (Artikolu 3);

tibdel id-dispożizzjonijiet dwar il-konfiska estiża (Artikolu 4) u tipprevedi sett minimu ta’ regoli minflok is-sistema attwali ta’ regoli fakultattivi. Dan ma japplikax f’każ ta’ preskrizzjoni jew f’sitwazzjonijiet fejn japplika l-prinċipju ne bis idem.

2.3   Din il-Proposta tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet ġodda li jippermettu:

il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna (Artikolu 5), għax ma jkunx possibbli li tinkiseb kundanna kriminali minħabba li l-persuna ssuspettata tkun mietet, tkun marida b’mod permanenti jew ma tkunx tista’ ssir prosekuzzjoni effettiva f’perjodu ta’ żmien raġonevoli minħabba li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet jew mardet u jinħoloq ir-riskju li l-prosekuzzjoni ma tkunx tista’ ssir minħabba li tiġi preskritta;

il-konfiska tal-assi trasferiti lil persuna terza li kellha tkun taf dwar l-oriġini kriminali tagħhom (Artikolu 6);

l-iffriżar preventiv u ż-żamma tal-assi li huma fil-periklu li jisparixxu jekk ma jkun hemm l-ebda intervent, bil-kundizzjoni li t-tali miżura, li tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti, tkun konfermata minn qorti (Artikolu 7);

it-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar l-assi tal-persuna b’tali mod li d-deċiżjonijiet li ma kinux ġew eżegwiti jiġu eżegwiti, anke wara d-data tal-għeluq tal-proċedura kriminali (Artikolu 9);

il-ġestjoni adegwata tal-proprjetà ffriżata sabiex jiġi evitat li ma tonqosx fil-valur qabel ma tiġi konfiskata (Artikolu 10).

2.4   Dawn ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali (3) huma kumpensati minn salvagwardji li għandhom l-għan li jiggarantixxu r-rispett tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt għal smigħ imparzjali, l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi quddiem qorti u d-dritt li tingħata informazzjoni dwar kif jiġu eżerċitati dawn ir-rimedji (Artikolu 8).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Fid-dawl tal-impatt negattiv konsiderevoli li għandha l-kriminalità organizzata fuq ħajjet il-bnedmin, is-soċjetà, l-ekonomija u l-qasam finanzjarju, biex ma nsemmux ir-restrizzjonijiet li tiġġenera f’termini ta’ drittijiet u libertajiet għaċ-ċittadini u l-atturi tas-suq intern, peress li tnaqqar mill-fiduċja tagħhom, il-KESE jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-miżuri ta’ konfiska fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, billi jdgħajfu l-iskop prinċipali tagħha, li huwa l-qligħ.

3.2   Il-KESE japprova l-għanijiet ta’ din l-inizjattiva, intiża biex jissaħħaħ il-qafas leġislattiv Ewropew f’dan il-qasam, b’mod partikolari meta l-Parlament u l-Kunsill ilhom jinsistu fuq il-bżonn ta’ dan it-tisħiħ, b’riżultat tal-Programm ta’ Stokkolma. F’dan ir-rigward, jilqa’ l-ħolqien reċenti, fuq inizjattiva tal-Parlament, ta’ kumitat speċjali għall-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, ħaġa li tikkonferma r-rieda li l-ġlieda kontra dawn il-problemi titqiegħed fil-quċċata tal-prijoritajiet politiċi tal-UE.

3.3   Il-KESE jitlob li jitqies bis-sħiħ il-kuntest kritiku minħabba l-kriżi u ż-żieda inkwetanti tal-attivitajiet illeċiti fl-UE; jixtieq li jiżdiedu l-miżuri ta’ armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri meta jiġu ttrattati d-diversi setturi kriminali u l-proprjetajiet tagħhom.

3.4   Fil-kuntest tal-kriżi, il-loġika konsistenti li r-rikavat akkwistat illegalment, li ħafna drabi jkun ta’ ammonti enormi, jittieħed biex jiddaħħal fis-sistema tal-ekonomija legali, toffri perspettivi, li mil-lat ekonomiku u soċjali, fil-fehma tal-KESE, m’għandhomx jiġu injorati. Barra minn hekk, jenfasizza li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandha tippermetti li ċ-ċirku virtwuż li jinbet mit-tali loġika jkun jista’ jibbaża fuq tħaddim aħjar tas-suq intern billi titnaqqas id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tolqot lill-intrapriżi legali.

3.5   Il-bżonn ta’ approċċ globali, operattiv u integrat

3.5.1   Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata inevitabbilment tiddependi minn approċċ globali, il-KESE jiddispjaċih li l-armonizzazzjoni tal-miżuri tal-iffriżar u l-konfiska mhijiex parti minn strument globali li jinkludi mill-ġdid l-acquis communautaire adottat taħt dak li kien it-tielet pilastru fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni, oqsma komplementari u inseparabbli tal-istess politika.

3.5.2   Huwa meħtieġ approċċ olistiku biex il-miżuri li jirrigwardaw l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attivitajiet kriminali jkunu effikaċi. B’hekk, ikun hemm regolamentazzjoni li tqis l-aspetti kollha tal-problemi relatati, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi evitat ir-riskju li l-bejgħ dirett tal-beni jippermetti lill-organizzazzjonijiet kriminali li jerġgħu jiksbu l-pussess ta’ dawn l-istess beni.

3.5.3   Sabiex tinkiseb il-koerenza, u anki biex ikun hemm iżjed ċertezza legali u traspożizzjoni u applikazzjoni iktar sodisfaċenti ta’ regoli Ewropej, il-KESE jitlob ukoll biex id-Direttiva tagħmel referenza għad-Deċiżjoni 2006/783/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għad-deċiżjonijiet tal-konfiska u d-Deċiżjoni 2007/845/ĠAI dwar dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità.

3.5.4   Fil-fatt, il-miżuri ta’ ffriżar u konfiska jistgħu jiġu esegwiti b’mod effikaċi biss jekk ikunu bbażati fuq sistema ta’ rintraċċar u identifikazzjoni tar-rikavat tal-attività kriminali, inklużi dawk il-flus li jkunu nħaslu.

3.5.5   Fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-beni konfiskati, trid tiġi enfasizzata l-importanza tal-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b’mod li jinħoloq skambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

3.5.6   F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar dwar:

il-bżonn li jiġi faċilitat l-aċċess tal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi għall-informazzjoni finanzjarja (b’mod speċjali l-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji) (4);

il-benefiċċju, għall-Istati Membri, li jsir użu sħiħ mill-potenzjal tal-Eurojust, li l-valur miżjud tiegħu fl-investigazzjonijiet u s-segwitu transkonfinali huwa evidenti, u li jista’ jiffaċilita b’mod utli l-interazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

l-urġenza li jissaħħu s-setgħat ta’ inizjattiva tal-Eurojust, b’mod partikolari s-setgħa tal-ftuħ ta’ investigazzjoni;

il-benefiċċju li jikkooperaw l-awtoritajiet kollha inkarigati mir-rintraċċar, it-trażżin u s-sentenzi maħruġa mill-qrati kontra t-traffikar fuq skala kbira bil-mezzi kollha tagħhom (fajls diġitali/elettroniċi, skambji ta’ dettalji, skambju reċiproku ta’ informazzjoni u riżorsi mil-lat ta’ persunal, għarfien speċjalizzat u tagħmir);

l-urġenza li tinħoloq kultura komuni ta’ dawn il-missjonijiet fl-Ewropa permezz tal-iskambju tal-funzjonarji tad-dwana, tal-pulizija, tat-taxxa u tal-ġustizzja;

il-bżonn li jinħolqu s-sinerġiji neċessarji bejn id-diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea biex jikkontribwixxu f’dan il-qasam;

il-bżonn tal-armonizzazzjoni tal-fiskalità u tal-proċeduri biex jinqerdu r-rifuġji tal-kriminalità organizzata fl-Ewropa;

il-bżonn ta’ rabta bejn il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-Istrateġija Ewropa 2020.

3.5.7   Barra minn hekk, is-suċċess u l-effikaċja ta’ ċerti approċċi nazzjonali lejn iċ-ċentralizzazzjoni tal-assi konfiskati li ttieħdu fil-livell nazzjonali (5) jħeġġu t-tifrix tal-esperjenza fil-livell Ewropew. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li apparti mill-koordinazzjoni meħtieġa u l-iskambji sistematiċi ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi, tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ ċentralizzazzjoni Ewropea f’dan il-qasam, kemm permezz ta’ struttura speċifika ġdida, jew permezz tal-Eurojust direttament. Din iċ-ċentralizzazzjoni, anke jekk illum il-ġurnata tmur kontra s-sensibbiltajiet nazzjonali delikati rigward l-iskambju ta’ ċerti bażijiet tad-data, għandha titqies bħala objettiv, anke jekk huwa wieħed fit-tul, peress li l-kooperazzjoni waħidha mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet relatati ma’ ġlieda effikaċi kontra l-kriminalità organizzata.

3.5.8   Fl-aħħar nett, huwa u jfakkar li l-istrateġija Ewropea dwar il-konfiska tista’ tkun kompletament effikaċi biss jekk tagħmel parti minn problema f’livell dinji, il-KESE jiddispjaċih li l-Proposta attwali ma tindirizzax dan l-aspett kruċjali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-Artikolu 1 tal-abbozz ta’ Direttiva:“fi kwistjonijiet kriminali” tiġi sostitwita b’“riżultat ta’ reati kriminali”.

4.2   L-Artikolu 2(1) tal-abbozz ta’ Direttiva: dwar il-miżuri ta’ ffriżar u konfiska

4.2.1   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri għall-qligħ indirett, li tirrappreżenta avvanz konsiderevoli fir-rigward tad-Deċiżjoni 2005/212/ĠAI.

4.3   L-Artikolu 3(2) tal-abbozz ta’ Direttiva: dwar il-konfiska ta’ valur ekwivalenti

4.3.1   Il-KESE jirrakkomanda li din tiġi estiża biex tinkludi l-assi użati għar-reat (magħrufa bħala “mezzi strumentali”). Huwa jqis li m’hemm l-ebda raġuni biex din il-miżura tkun limitata għar-rikavat ta’ attività kriminali. Il-KESE jenfasizza li d-definizzjoni ta’ “mezzi strumentali” tinkludi l-mezzi ta’ trasport użati għat-trasferiment tar-rikavat mill-attività kriminali fi ħdan l-Unjoni.

4.4   L-Artikolu 4(2) tal-abbozz ta’ Direttiva: dwar is-setgħat estiżi ta’ konfiska

4.4.1   Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-miżura ta’ semplifikazzjoni li tirrappreżenta l-introduzzjoni ta’ standard uniku f’dan ir-rigward, is-sistema ta’ għażliet stabbilita mid-Deċiżjoni 2005/212/ĠAI tinkludi diversità mifruxa wisq fl-approċċi nazzjonali, bi ħsara għall-applikazzjoni tajba tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’dan il-qasam.

4.4.2   Madankollu, il-KESE jiddispjaċih ħafna li l-kriterju li l-valur tal-proprjetà huwa sproporzjonat għad-dħul legali m’għadux jidher b’mod prominenti (6), iżda huwa biss impliċitu fost il-“fatti speċifiċi” li abbażi tagħhom tista’ tieħu deċiżjoni l-qorti (Artikolu 4(1)). Fil-fatt, l-iktar liġijiet nazzjonali avvanzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata taw valur deċiżiv lil dan il-kriterju. Il-KESE jinnota l-għażla tal-Kummissjoni li tħalli r-referenza għal dan il-kriterju għad-diskrezzjoni tal-qrati nazzjonali u jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jerġgħu jdaħħlu dan il-kriterju, billi fil-Proposta għal Direttiva jżidu l-kliem “b’mod proporzjonat għad-dħul legali tagħha” wara l-kliem “lil persuna li tkun ġiet misjuba ħatja ta’ reat kriminali”. Fl-istess waqt, il-KESE jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtu l-ikbar importanza lil dan il-kriterju.

4.5   L-Artikolu 5(2) tal-abbozz ta’ Direttiva: konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna

4.5.1   Għalkemm bħala prinċipju tidher ħaġa diffiċli li l-konfiska tiġi rikonċiljata mal-fatt li l-persuna konċernata ma tkunx responsabbli għall-atti li fuqhom ikunu bbażati tali miżura, il-KESE jagħraf kemm hija utli, fil-livell prattiku, u jappoġġjaha minħabba l-effikaċja tagħha. Barra minn hekk, hija ser tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku mal-pajjiżi tal-common law li diġà japplikaw il-proċeduri ċivili ta’ konfiska.

4.5.2   Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “mard permanenti tal-persuna ssuspettata jew akkużata” twitti t-triq għal diversi manuvri. Billi l-liġi tal-Unjoni tippermetti li kull persuna akkużata tiġi rappreżentata minn avukat, il-KESE jitlob li r-referenza għal marda ma tkunx kriterju għall-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna u għalhekk jitlob li dan il-kriterju jitneħħa mill-Proposta għal Direttiva (Artikolu 5).

4.6   L-Artikolu 7 tal-abbozz ta’ Direttiva: iffriżar

4.6.1   Il-KESE jfakkar li l-proċedura ġudizzjarja, u b’hekk ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jistgħux jitneħħew fuq il-bażi li dan huwa neċessarju biex l-infurzar isir effettiv.

4.6.2   Il-KESE jqis li kull miżura ta’ ffriżar għandha tiġi konfermata minn qorti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, iżda li l-awtorità amministrattiva konċernata għandu jkollha l-kompetenza tieħu l-miżuri immedjati kollha bħala prekawzjoni.

4.7   L-Artikolu 8 tal-abbozz ta’ Direttiva: salvagwardji tad-dritt għad-difiża

4.7.1   B’konformità mal-approċċ żviluppat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem biex, każ b’każ, tivvaluta l-proporzjonalità ta’ ċerti miżuri li jirrestrinġu d-dritt fundamentali tal-proprjetà – l-iktar il-konfiska estiża, il-konfiska li ma tkunx ibbażata fuq kundanna u l-konfiska tal-proprjetà ta’ persuni terzi – din il-proposta tipprevedi s-salvagwardji proċedurali minimi kif ukoll ir-rimedji legali għall-imputat. Filwaqt li tista’ tidher ħaġa superfluwa li qorti imparzjali tiġi mfakkra dwar il-liġi, għall-kuntrarju huwa utli li jiġi speċifikat li kull ordni ġudizzjarja ta’ konfiska għandha tagħti r-raġunijiet u tiġi notifikata lil kull persuna konċernata.

4.7.2   B’koerenza mar-rekwiżiti stabbiliti mir-regoli Ewropej fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li, b’rabta mal-istrument futur previst għal din il-għan, jiġi previst li l-persuna li l-assi tagħha jkunu nqabdu tkun tista’ tgawdi awtomatikament mill-għajnuna legali.

4.7.3   Fil-fehma tal-KESE, l-akkużat m’għandux ikollu inqas drittijiet mill-parti terza li tirċievi l-beni inkwistjoni. Sabiex titneħħa kull ambigwità f’dan is-sens, il-KESE jipproponi li l-paragrafu 1 jinkiteb kif ġej: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-persuni affettwati mill-miżuri pprovduti taħt din id-Direttiva jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv u jkunu jistgħu jibbenefikaw awtomatikament mill-għajnuna legali. Trid tingħata raġuni għal kull deċiżjoni legali ta’ konfiska u l-persuna konċernata għandha tkun notifikata.”

4.8   L-Artikolu 9 tal-abbozz ta’ Direttiva: eżekuzzjoni effettiva

4.8.1   Il-KESE jemmen li, filwaqt li fih innifsu, l-objettiv li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva tad-deċiżjoni tal-konfiska huwa leġittimu, wara kundanna definittiva ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ iktar miżuri li jiżdiedu mad-deċiżjoni tal-imħallfin. Din hija protezzjoni neċessarja fir-rigward tal-prinċipju ta’ smigħ imparzjali u tal-prinċipju dwar il-ħruġ ta’ sentenzi mill-qrati. Naturalment, jibqgħu aċċettabbli biss miżuri addizzjonali ta’ investigazzjoni fil-qafas ta’ kontinwità ta’ eżekuzzjoni effettiva tas-sentenza mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja.

4.8.2   Il-KESE jfakkar li l-konfiska tista’ tiżdied mal-kundanna ta’ ħlas ta’ multi penali, fiskali jew doganali, sabiex jiġi kumpensat ir-riskju ta’ frodi, bi ħsara għall-Istat, dwar il-kompożizzjoni tal-assi miksuba b’mod illeċitu. Għalhekk, huwa jirrakkomanda li d-direttiva tipprevedi t-tisħiħ ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri b’tali mod li kull wieħed minnhom ikun jista’ jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kundanni. Tali dispożizzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għall-effikaċja tal-proċeduri.

4.9   Il-kwistjoni tar-riallokazjoni u r-restituzzjoni tal-fondi konfiskati

4.9.1   Mhux talli l-kwistjoni dwar ir-riallokazzjoni ta’ dawn il-fondi mhijiex waħda sekondarja, iżda hija waħda importanti ħafna billi tinfluwenza direttament l-effikaċja globali tal-istrateġija tal-konfiska. Il-bejgħ dirett tal-assi ħafna drabi jwassal biex l-organizzazzjonijiet kriminali jerġgħu jakkwistawhom permezz ta’ mezzi irregolari, u l-KESE jenfasizza l-importanza li r-riallokazzjoni ta’ dawn l-assi ssir l-ewwel nett għal finijiet soċjali – bħalma huwa l-każ fl-Italja – f’approċċ virtwuż doppju, kif ifakkar il-Parlament Ewropew (7), ta’ prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

4.9.2   Il-KESE jqis li hija importanti r-riflessjoni li ttieħedet mid-DĠ Ġustizzja dwar ir-riallokazzjoni soċjali tar-rikavat mill-attività kriminali. Jeżistu diversi approċċi; dawn għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri u jistħoqqilhom jiġu eżaminati u adattati filwaqt li jiġu kkunsidrati l-vittmi, l-interess ġenerali u n-natura tal-assi ffriżati stess.

4.9.3   Il-bżonn li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità m’għandux iwaqqaf l-UE milli tipproponi qafas legali, anke wieħed ġenerali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f’dan il-qasam.

4.9.4   L-ewwel u qabel kollox, dan jippresupponi li hemm regoli ċari fir-rigward tar-restituzzjoni. Fil-fatt, ħafna drabi, l-Istat fit-territorju fejn ikunu inqabdu l-assi ma jkunx l-Istat li għalih tkun dovuta r-restituzzjoni. Għal raġunijiet ta’ ekwità u sabiex jiġu stabbiliti regoli armonizzati fost l-Istati Membri, il-KESE jitlob li l-UE tiċċara dan il-punt fir-rigward tad-Deċiżjoni Qafas tal-2006 li tipprevedi tqassim ta’ nofs bin-nofs bejn l-Istati Membri.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dwar “Il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta’ għodda u qligħ mill-kriminalità”.

(2)  Dwar “Il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità”.

(3)  Jew fuq dawn il-prinċipji.

(4)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 8 ta’ 2007/845/ĠAI, 12 ta’ April 2011.

(5)  B’mod partikolari fi Franza permezz tal-AGRASC u fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-BOOM.

(6)  Dan il-kriterju huwa wieħed mit-tliet għażliet alternattivi u/jew kumulattivi li tipprevedi d-Deċiżjoni 2005/212/ĠAI (Artikolu 3(2)(c)).

(7)  Rapport dwar il-kriminalità organizzata fl-UE, Ottubru 2011.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/133


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd [li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata]”

COM(2011) 804 final — 2011/0380 (COD)

2012/C 299/24

Relatur: is-Sur Sarró IPARRAGUIRRE

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011 u nhar is-16 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd [li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 u r-Regolament tal-Kunsill Nru XXX/2011 dwar il-politika marittima integrata]

COM(2011) 804 final – 2011/0380(COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’150 vot favur, vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni u jaqbel mal-għanijiet u l-prijoritajiet tagħha. Madankollu, jemmen li l-ewwel għan għandu jispeċifika li s-sajd u l-akkwakultura għandhom ikunu sostenibbli u kompetittivi mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, skont il-KESE, fost l-għanijiet tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jonqos referenza speċifika għas-settur tal-kummerċjalizzazzjoni u dak tal-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

1.2   Rigward id-definizzjoni tas-“sajd kostali fuq skala żgħira”, il-KESE jtenni dak li diġà qal fl-opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament biex b’konsegwenza ta’ dan jestendu l-proposta tal-Kummissjoni.

1.3   Il-Kumitat jaqbel mal-għan li, fejn teżisti, titneħħa l-kapaċità eċċessiva fil-flotot. Għalhekk, jemmen li jeħtieġ tinżamm l-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-bastimenti tas-sajd, bil-kundizzjoni li kull segment ikun jista’ jiġi verament aġġustat għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti.

1.4   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li hemm bżonn tinżamm l-għajnuna għall-waqfien temporanju tal-flotta.

1.5   Il-Kumitat jemmen li l-għajnuna maħsuba għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet u s-sħubijiet bejn ix-xjentisti u s-sajjieda, għall-promozzjoni tal-kapital uman u d-djalogu soċjali, għall-iffaċilitar tad-diversifikazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tas-sikurezza abbord hija importanti immens. Barra minn dan, il-KESE jemmen li għandhom jiġu previsti miżuri għall-involviment tal-professjonisti żgħażagħ fis-settur tas-sajd sabiex jingħeleb in-nuqqas ta’ tibdil ġenerazzjonali u tingħata aktar attenzjoni lill-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi.

1.6   Il-KESE jaqbel mal-għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-qafas tal-PKS, għal-limitazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, għall-innovazzjoni, għall-protezzjoni u r-restorazzjoni tal-bijodiversità, kif ukoll mal-għajnuna maħsuba biex jittaffa t-tibdil fil-klima, biex jitjieb l-użu tal-qabdiet mhux mixtieqa u biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

1.7   Il-Kumitat jaqbel mal-għajnuna prevista għas-sajd intern. Madankollu jemmen li għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ għajnuna għall-prevenzjoni tal-interazzjoni bejn l-akkwakultura tal-ilma ħelu u l-agrikoltura tas-sajd fl-ilma ħelu.

1.8   Il-KESE jappoġġja l-miżuri għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura u taż-żoni tas-sajd, u f’din l-opinjoni jipproponi xi titjib importanti.

1.9   Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-miżuri marbutin mal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni. Però huwa tal-fehma li l-għajnuna maħsuba biex tikkumpensa lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi talli jaħżnu l-prodotti tas-sajd għandha tinżamm sa tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEMS. Barra minn hekk, jemmen li hu indispensabbli li jinżamm il-mekkaniżmu ta’ indennizz ta’ kumpens għat-tonn maħsub għall-industrija tal-ipproċessar. Mill-banda l-oħra, jemmen li fost l-għanijiet speċifiċi għandhom jiġu inklużi dawn li ġejjin: it-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-ipproċessar, it-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika u tal-kwalità tal-prodotti, it-tnaqqis tal-impatt negattiv fuq l-ambjent u ż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-titjib fl-użu tal-ispeċijiet li ma tantx jiġu sfruttati, tas-sottoprodotti u tal-iskart, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ metodi innovattivi fil-produzzjoni, il-ftuħ u l-iżvilupp tas-swieq u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tat-taħriġ tal-ħaddiema.

1.10   Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-proposti kollha marbutin mal-Politika Marittima Integrata (PMI).

2.   Sfond

2.1   Ir-riforma tal-PKS ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013 (1).

2.2   L-appoġġ finanzjarju tal-PKS attwali huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), li r-reviżjoni tiegħu hi prevista għal qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

2.3   Bejn l-2008 u l-2010, il-PMI kienet finanzjata permezz ta’ sensiela ta’ skemi pilota u azzjonijiet preparatorji. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit strument finanzjarju ġdid għall-perjodu bejn l-2012 u l-2013.

2.4   Ir-riforma tal-PKS u l-konsolidazzjoni tal-PMI ser isiru bis-saħħa tal-Fond Ewropew il-ġdid għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li ser jidħol fis-seħħ nhar l-1 ta’ Jannar 2014.

3.   Analiżi tal-proposta

3.1   Għanijiet u prijoritajiet

3.1.1   B’mod ġenerali, il-proposta tqassam l-għajnuna li tingħata fl-iskema tal-“ġestjoni konġunta”, primarjament il-PKS, u fl-iskema tal-“ġestjoni diretta”, li tinkludi l-PMI u l-miżuri komplementari sew tal-PKS u sew tal-PMI, u tiddefinixxi l-miżuri finanzjarji tal-UE għall-implimentazzjoni:

a)

tal-PKS;

b)

tal-miżuri rilevanti marbuta mal-liġi tal-baħar;

c)

tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u s-sajd intern;

d)

tal-PMI.

3.1.2   Rigward id-definizzjoni tas-“sajd kostali fuq skala żgħira”, il-KESE jtenni dak li diġà qal fl-opinjoni tiegħu dwar ir-riforma. Il-Kumitat jemmen li din id-definizzjoni ma tqisx ir-realtà tal-flotta fuq skala żgħira fl-Istati Membri differenti u tistabbilixxi kriterju arbitrarju wieħed li jista’ joħloq sitwazzjonijiet diskriminatorji. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li minbarra d-daqs għandu jkun hemm kriterji oħrajn li jkunu jistgħu jintużaw biex jillimitaw dan it-tip ta’ sajd diversifikat ħafna, bħal pereżempju ż-żmien li l-bastimenti jqattgħu fuq il-baħar, id-distanza mill-kosta, it-tip ta’ sajd u r-rabtiet mal-komunitajiet lokali. Barra minn hekk, id-definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira għandha tinkludi s-sajd bix-xbieki tat-tonn.

3.1.3   Il-KESE jemmen li jeħtieġ jiġu ċċarati l-kunċetti ta’ “sajjieda li jaħdmu għal rashom” u ta’ “sajjieda impjegati” sabiex jiġu determinati bl-eżatt il-benefiċjarji tal-miżuri differenti tal-FEMS, peress li t-terminu “sajjied” sikwit jintuża għal kunċetti differenti: sidien tal-bastimenti, sajjieda li jaħdmu għal rashom mhux impjegati, eċċ.

3.1.4   L-għanijiet tal-FEMS huma li:

a)

jippromovi sajd u akkwakultura sostenibbli u kompetittivi;

b)

irawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PMI b’mod komplementari għall-politika ta’ koeżjoni u għall-PKS;

c)

jippromovi żvilupp territorjali bilanċjat u inklużiv taż-żoni tas-sajd;

d)

jippromovi l-implimentazzjoni tal-PKS.

3.1.5   Il-KESE jemmen li l-ewwel għan għandu jispeċifika li s-sajd u l-akkwakultura għandhom ikunu sostenibbli u kompetittivi mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

3.1.6   Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li kemm fid-deskrizzjoni ta’ dawn l-għanijiet kif ukoll fil-prijoritajiet tal-UE għad jonqos referenza speċifika għas-settur tal-kummerċjalizzazzjoni u dak tal-ipproċessar, billi dawn huma fost id-destinatarji tal-azzjonijiet diskussi fil-proposta. F’dan ir-rigward jiddispjaċih li dawn l-għanijiet ma jinkludux il-finanzjament ta’ investiment li għandu l-għan li jiggarantixxi li l-prodotti huma tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità, li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent intraprenditorjali, u li jappoġġja l-iżvilupp ta’ bażi industrijali qawwija, innovattiva u sostenibbli li tkun kapaċi tiġġenera l-impjiegi u tikkompeti fis-suq dinji.

3.1.7   Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku, il-proposta ser tapplika għall-operazzjonijiet li jitwettqu fit-territorju tal-UE, ħlief meta jkun hemm dispożizzjonijiet espliċiti fir-Regolament.

3.2   Ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet u operazzjonijiet ineliġibbli

3.2.1   Matul perjodu ta’ żmien determinat mhux ser ikunu ammissibbli l-applikazzjonijiet sottomessi minn operaturi li wettqu irregolarità skont il-FES jew il-FEMS, operaturi li wettqu ksur serju skont ir-Regolament dwar is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat(illegal, unreported, unregulated – IUU), operaturi inklużi fil-lista ta’ bastimenti IUU u operaturi involuti f’każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS li jipperikolaw b’mod serju l-iżvilupp sostenibbli tal-istokkijiet ikkonċernati.

3.2.2   L-operazzjonijiet li ġejjin mhux ser ikunu eliġibbli fil-qafas tal-FEMS:

a)

l-operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità ta’ sajd tal-bastiment;

b)

il-bini ta’ bastimenti tas-sajd ġodda, id-dekummissjonamenti jew l-importazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd;

c)

il-waqfien temporanju mill-attivitajiet ta’ sajd;

d)

is-sajd esperimentali;

e)

it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;

f)

ir-ripopolazzjoni diretta, sakemm dan ma jkunx previst b’mod espliċitu bħala miżura ta’ konservazzjoni minn att legali tal-UE jew fil-każ ta’ ripopolazzjoni esperimentali.

3.2.3   Il-KESE jemmen li jeħtieġ tinżamm l-għajnuna għall-waqfien permanenti tal-bastimenti tas-sajd sabiex il-flotta tal-UE tkun tista’ tiġi ristrutturata b’mod serju u fil-fond, bil-kundizzjoni li kull segment jiġi verament aġġustat għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti fil-qafas ta’ sajd sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, għandhom jiġu inklużi miżuri li jikkumpensaw l-abbandun ta’ din il-professjoni minħabba li qed tieqaf l-attività tal-bastimenti, bħal ngħidu aħna l-pensjonijiet antiċipati u l-kumpensi b’rata fissa.

3.2.4   L-argument li tuża l-Kummissjoni biex telimina tali għajnuna hu li b’din l-għajnuna ma ssolvietx il-problema tal-kapaċità eċċessiva tal-flotta tal-UE, u bbażat l-argument tagħha fuq rapport tal-Qorti tal-Awdituri li janalizza jekk il-miżuri adottati għenux biex il-kapaċità tal-flotot tiġi adattata għall-opportunitajiet tas-sajd eżistenti.

3.2.5   Madankollu, il-Kumitat jinnota li r-rapport ma jiddubitax mill-eżistenza tal-għajnuna għall-waqfien permanenti, iżda jressaq sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet quddiem l-istess Kummissjoni u l-Istati Membri:

3.2.5.1   lill-Kummissjoni jirrakkomandalha tadotta miżuri aktar adegwati biex jinkiseb bilanċ bejn il-kapaċità u l-opportunitajiet tas-sajd, tistabbilixxi limiti reali għall-kapaċità tal-flotot u tiżgura li l-programmi għat-trasferiment tad-drittijiet tas-sajd jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kapaċità eċċessiva;

3.2.5.2   lill-Istati Membri jirrakkomandalhom jiżguraw li l-miżuri ta’ għajnuna għall-investimenti abbord ma jżidux il-kapaċità, jiggarantixxu li l-programmi għall-iskrappjar ikollhom effett pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut magħżula, u jevitaw l-għoti ta’ għajnuna pubblika għall-iskrappjar ta’ bastimenti mhux attivi.

3.2.6   Sabiex tissolva din il-problema tal-kapaċità eċċessiva, il-Kummissjoni tipproponi sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli. Il-KESE, fl-opinjoni tiegħu dwar ir-riforma, ma laqax din is-sistema għaliex l-għajnuna għall-waqfien permanenti għandha tinżamm bil-għan li titnaqqas il-kapaċità eċċessiva li jista’ jkun hemm.

3.2.7   Mill-banda l-oħra, il-KESE jemmen li hemm bżonn tinżamm l-għajnuna għall-waqfien temporanju minħabba r-rwol fundamentali tagħha sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tar-riżorsi, b’mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjonijiet bijoloġiċi, u fl-istess ħin sabiex tikkumpensa b’mod parzjali lis-sajjieda li ma jdaħħlux flus matul il-perjodu tal-waqfien.

3.2.8   L-għajnuna għall-waqfien temporanju hija perfettament ġustifikata f’każ ta’:

a)

tnaqqis drastiku ta’ kwoti jew ta’ sforz tas-sajd fil-qafas tal-pjani multiannwali għall-ġestjoni tas-sajd;

b)

twaqqif jew tmiem tal-ftehimiet tas-sajd;

c)

diżastri ambjentali.

3.2.9   Il-Kumitat jemmen li din l-għajnuna hija partikolarment importanti biex tinżamm u tiġi żviluppata n-nisġa soċjoekonomika tar-reġjuni li jiddependu ħafna mis-sajd, peress li tingħata kemm lil sidien il-bastimenti kif ukoll lill-ekwipaġġi u tiggarantixxi l-kontinwità tal-attività tas-sajd.

3.3   Ir-riżorsi baġitarji fl-iskema ta’ ġestjoni konġunta u ta’ ġestjoni diretta

3.3.1   Ir-riżorsi baġitarji fl-iskema ta’ ġestjoni konġunta għall-perjodu 2014-2020 ser jiżdiedu għal EUR 5520 miljun u ser jinqasmu bejn l-Istati Membri abbażi ta’ ċerti kriterji oġġettivi ppreżentati fil-proposta. Ir-riżorsi baġitarji ddedikati għall-ġestjoni diretta, inkluża l-assistenza teknika, ser jiżdiedu għal EUR 1047 miljun.

3.3.2   Sabiex ikollu aċċess għall-konfinanzjament previst fil-FEMS, kull Stat Membru għandu jfassal programm operazzjonali uniku biex japplika l-prijoritajiet tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi operazzjonali tal-Istati Membri u l-emendi tagħhom permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

3.4   Miżuri finanzjati fl-iskema tal-ġestjoni konġunta

3.4.1   Żvilupp sostenibbli tas-sajd

3.4.1.1   L-għajnuna prevista f’din l-iskema ser tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-UE li ġejjin:

it-trawwim ta’ settur tas-sajd innovattiv u kompetittiv;

il-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

3.4.1.2   Ġiet stabbilita l-kundizzjoni ġenerali li sid bastiment li jkun irċieva l-għajnuna għar-rikonfigurazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira sabiex dawn jiġu ddedikati għal attivitajiet barra mis-settur tas-sajd, jew li jkun irċieva l-għajnuna għall-investimenti abbord sabiex isir l-aħjar użu mill-qabdiet mhux mixtieqa ta’ stokkijiet kummerċjali u jingħata valur lill-komponenti sottoutilizzati tal-ħut maqbuda, ma jistax jittrasferixxi l-bastiment lil pajjiż terz barra mill-UE tal-inqas matul ħames snin wara d-data meta fil-fatt isir il-ħlas lill-benefiċjarju.

3.4.1.3   Il-KESE jemmen li dak li jintqal f’punt 3.4.1.2 għandu jerġa’ jinkiteb sabiex jgħid li l-bastimenti esportati matul il-perjodu ta’ ħames wara l-għoti tal-għajnuna għandhom jirritornaw din l-għajnuna skont il-prinċipju tal-pro rata temporis.

3.4.1.4   Innovazzjoni. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għal proġetti li għandhom l-għan li jiżviluppaw jew jintroduċu prodotti, proċessi jew sistemi ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni ġodda jew sostanzjalment imtejba meta mqabblin mal-aħħar avvanzi.

3.4.1.5   Il-KESE jemmen li l-frażi “l-aħħar avvanzi” għandha tiġi ċċarata u jfakkar li l-innovazzjoni tkopri wkoll l-aspetti soċjali.

3.4.1.6   L-operazzjonijiet finanzjati fil-kuntest tal-innovazzjoni għandhom jitwettqu f’kollaborazzjoni ma’ korp xjentifiku jew tekniku rikonoxxut mill-Istat Membru, li għandu jivvalida r-riżultati ta’ dawn l-operazzjonijiet.

3.4.1.7   Il-KESE jqis li mhux kull azzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni tirrikjedi bilfors il-parteċipazzjoni ta’ korp xjentifiku jew tekniku. It-titjib tar-riżultati ekonomiċi li l-intrapriżi tas-sajd jiksbu minn dawn l-azzjonijiet għandu jkun rekwiżit aktar importanti.

3.4.1.8   Servizzi ta’ konsulenza. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna:

għal studji li jeżaminaw il-vijabbiltà tal-proġetti;

għal pariri professjonali dwar strateġiji ta’ negozju u kummerċjalizzazzjoni.

3.4.1.9   Il-Kummissjoni tipproponi li l-istudji li jeżaminaw il-vijabbiltà tal-proġetti u l-pariri professjonali dwar strateġiji ta’ negozju u kummerċjalizzazzjoni għandhom jitwettqu minn korpi xjentifiċi jew tekniċi rikonoxxuti u li l-ammont tagħhom m’għandux ikun aktar minn EUR 3 000.

3.4.1.10   Il-KESE jaħseb li dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu estiżi għal intrapriżi privati li jistgħu jfasslu pjani strateġiċi ta’ natura intraprenditorjali u kummerċjali u jagħtu pariri dwarhom, u li l-limitu tal-ammont imħallas għandu jiżdied. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi stipulat il-metodu użat għall-iffissar ta’ dan l-ammont meta jiġu definiti l-kriterji tal-għażla tal-proġetti.

3.4.1.11   Sħubijiet bejn ix-xjentisti u s-sajjieda. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna:

għall-ħolqien ta’ netwerk kompost minn korpi xjentifiċi indipendenti u sajjieda jew organizzazzjonijiet tas-sajjieda;

għall-attivitajiet imwettqa minn dan in-netwerk.

3.4.1.12   Il-KESE jikkunsidra li l-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn ix-xjentisti u s-sajjieda hija importanti immens.

3.4.1.13   Il-promozzjoni tal-kapital uman u d-djalogu soċjali. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna:

għat-tagħlim tul il-ħajja, it-tixrid ta’ għarfien xjentifiku u prattiki innovattivi u l-akkwist ta’ ħiliet professjonali ġodda marbuta b’mod partikolari mal-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar, l-attivitajiet fis-settur marittimu, l-innovazzjoni u l-imprenditorija;

għan-netwerking u l-iskambju ta’ esperjenza bejn il-partijiet interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet li jippromovu l-opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa;

għall-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li jinvolvi s-sajjieda u partijiet interessati rilevanti oħrajn.

3.4.1.14   Il-KESE jirrikonoxxi l-isforz tal-Kummissjoni biex tinkludi azzjonijiet ta’ promozzjoni tal-kapital uman u tad-djalogu soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sikurezza u s-saħħa abbord il-bastimenti tas-sajd. Madankollu, jemmen li jeħtieġ jiġu ċċarati jew miżjuda xi aspetti. L-ewwel nett, il-KESE jixtieq jispeċifika li d-djalogu soċjali huwa proċess li fih jipparteċipaw l-imsieħba soċjali, jiġifieri l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. Għaldaqstant, il-frażi “partijiet interessati rilevanti oħrajn” għandha titneħħa meta tissemma l-promozzjoni tad-djalogu soċjali. It-tieni nett, il-Kumitat jemmen li, minbarra s-“sajjieda”, fost il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna għandhom jiġu inklużi “operaturi” oħrajn bil-għan li jkunu jistgħu jibbenefikaw professjonisti oħra tas-sajd li jwettqu operazzjonijiet awżiljarji: dawk li jsewwu l-irkaptu tas-sajd, il-persunal li jħott fil-portijiet, eċċ. Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandu jiġi promoss il-kofinanzjament ta’ azzjonijiet Ewropej mwettqa minn organizzazzjonijiet Ewropej tas-settur, b’mod partikolari s-seminars ta’ informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-PKS, sabiex l-imsieħba soċjali jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-leġislazzjoni, sabiex titħeġġeġ il-konformità mar-regoli u sabiex isir l-aħjar użu mill-fondi. Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li l-FEMS għandu jinkludi l-għajnuna finanzjarja għall-edukazzjoni u t-taħriġ tas-sajjieda bil-għan li dawn ikollhom il-kapaċitajiet biex isibu impjieg f’setturi oħrajn. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tinkludi kumpens għad-dħul li jitilfu matul il-perjodu ta’ taħriġ u edukazzjoni.

3.4.1.15   L-iffaċilitar tad-diversifikazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna:

għall-ħolqien ta’ negozji barra s-settur tas-sajd;

għar-rikonfigurazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira sabiex dawn jiġu ddedikati għal attivitajiet barra mis-settur tas-sajd.

3.4.1.16   Il-KESE jikkunsidra li r-referenza għas-sajd fuq skala żgħira għandha titneħħa sabiex titħeġġeġ ir-rikonfigurazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd lejn attivitajiet oħra barra mis-settur tas-sajd.

3.4.1.17   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ għajnuna għall-ħolqien tal-impjiegi fl-istess settur tas-sajd. Il-KESE jemmen li hemm bżonn tiddaħħal xi miżura għall-involviment tal-professjonisti żgħażagħ fis-settur tas-sajd sabiex tingħeleb parti mill-problemi l-kbar ta’ dan is-settur, jiġifieri t-tibdil ġenerazzjonali.

3.4.1.18   Is-saħħa u s-sikurezza abbord. Fil-FEMS, l-għajnuna għas-sajjieda u għal sidien il-bastimenti tista’ tingħata darba biss fil-perjodu tal-ipprogrammar lill-istess bastiment tas-sajd jew lill-istess benefiċjarju, u din l-għajnuna hija maħsuba għall-investimenti abbord jew fit-tagħmir individwali bil-kundizzjoni li dawn l-investimenti jmorru lil hinn mill-istandards meħtieġa mil-liġi nazzjonali jew tal-UE.

3.4.1.19   Fil-fehma tal-KESE, m’għandhiex issir referenza biss għall-investimenti abbord il-bastimenti, li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll dawk li jistadu minn fuq l-art u l-ħaddiema awżiljarji. Bl-istess mod, il-kamp ta’ din l-għajnuna għandu jiġi estiż għat-titjib ġenerali tal-kundizzjonijiet abbord, jiġifieri għall-prevenzjoni tar-riskji tax-xogħol, għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-iġjene, eċċ., kif ukoll għall-istudji li jitwettqu qabel isiru dawn l-investimenti sabiex tiġi analizzata l-vijabbiltà tagħhom.

3.4.1.20   Barra minn hekk, għandha titneħħa l-limitazzjoni li din l-għajnuna tingħata darba biss matul il-perjodu tal-ipprogrammar.

3.4.1.21   Appoġġ għal sistemi ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli tal-PKS. Il-Kummissjoni tipproponi li tingħata ċerta għajnuna sabiex jiġu stabbiliti jew modifikati s-sistemi ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli previsti fil-PKS. Il-KESE jqis li l-għoti ta’ din l-għajnuna huwa adegwat jekk fl-aħħar mill-aħħar din is-sistema tiġi integrata fil-PKS.

3.4.1.22   Il-FEMS jipprevedi l-għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-qafas tal-PKS, għal-limitazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, għall-innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u għall-protezzjoni u r-restorazzjoni tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar fil-qafas tal-attivitajiet tas-sajd sostenibbli. Il-KESE jaqbel ma’ din l-għajnuna, u jenfasizza r-rikonoxximent u l-importanza tar-rwol li s-sajjieda stess jistgħu jaqdu fit-tindif u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar.

3.4.1.23   Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima, il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għall-investimenti abbord bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kontaminanti jew il-gassijiet b’effett ta’ serra u għall-verifiki u skemi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tipproponi li titneħħa l-għajnuna għat-tibdil jew l-immodernizzar tal-magni.

3.4.1.24   Il-KESE jqis li għandha tiġi awtorizzata l-għajnuna għat-tibdil jew l-immodernizzar tal-magni li ma jżidx il-kapaċità tal-bastimenti. Jekk ma jsirx hekk, jista’ jagħti l-każ li s-sikurezza tal-bastimenti u tal-ekwipaġġi stess tiġi pperikolata, l-enerġija ma tintużax b’mod aktar effiċjenti u t-tniġġis ma jonqosx.

3.4.1.25   Il-kwalità tal-prodotti u l-użu ta’ qabdiet mhux mixtieqa. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għall-investimenti abbord sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħut li jinqabad u sabiex jittejjeb l-użu tal-qabdiet mhux mixtieqa. L-għajnuna ma tistax tingħata aktar minn darba matul il-perjodu tal-ipprogrammar għall-istess bastiment tas-sajd jew għall-istess benefiċjarju. Tista’ tingħata l-għajnuna wkoll għall-portijiet tas-sajd, il-postijiet ta’ nżul u l-postijiet ta’ kenn bil-għan li tiżdied l-effiċjenza enerġetika, li jingħata kontribut għall-protezzjoni ambjentali, li jittejbu s-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u li jinbnew u jiġu modernizzati l-postijiet ta’ kenn sabiex tittejjeb is-sikurezza tas-sajjieda.

3.4.1.26   Il-KESE jqis li l-miżuri għall-portijiet tas-sajd, il-postijiet ta’ nżul u l-postijiet ta’ kenn huma adegwati, u jemmen li għandhom ikopru l-għajnuna għall-investimenti fil-ħżin u l-irkantijiet tal-prodotti tas-sajd, it-teħid tal-karburanti, il-provvisti tal-bastimenti (ilma, silġ, elettriku, eċċ.) kif ukoll il-ġestjoni kompjuterizzata tal-pixkeriji.

3.4.1.27   Sajd intern. Sabiex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fl-ilma ħelu fuq l-ambjent, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jittejbu l-kwalità tas-sajd, is-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna lill-bastimenti tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet interni. Ser jiġu appoġġjati wkoll id-diversifikazzjoni fost is-sajjieda li jistadu fl-ilmijiet interni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ġestjoni, ir-restorazzjoni u l-monitoraġġ tas-siti ta’ Natura 2000. Il-KESE jaqbel mal-miżuri proposti minkejja li, kif jingħad fl-opinjoni dwar ir-riforma tal-PKS, il-Kummissjoni għandha tintroduċi miżuri ta’ għajnuna għall-prevenzjoni tal-interazzjoni bejn l-akkwakultura tal-ilma ħelu u l-agrikoltura tas-sajd fl-ilma ħelu.

3.4.1.28   Fir-reġjuni li jinsabu l-aktar fit-Tramunata tal-UE, is-sajd fix-xitwa taħt is-silġ isir kemm fil-lagi kif ukoll fiż-żoni kostali matul staġuni li jistgħu jdumu sa sitt xhur. Il-vetturi li jintużaw fil-borra u t-tagħmir speċifiku għas-sajd xitwi għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-FEMS.

3.4.2   Żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura

3.4.2.1   L-għajnuna prevista f’din l-iskema ser tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-UE li ġejjin:

it-trawwim ta’ akkwakultura innovattiva, kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien;

il-promozzjoni ta’ akkwakultura sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

3.4.2.2   Il-KESE jqis li hu adegwat li tingħata l-għajnuna lill-intrapriżi tal-akkwakultura, irrispettivament mid-daqs tagħhom (mikrointrapriżi, intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew intrapriżi kbar), iżda jinnota li t-tnaqqis indikat fl-Anness 1 għall-intrapriżi tal-akkwakultura l-kbar mhux adegwat.

3.4.2.3   Il-proposta tinkludi għajnuna għall-innovazzjoni, għall-investimenti fl-akkwakultura lil hinn mill-kosta u fl-akkwakultura mhux relatata mal-ikel bil-għan li jitħeġġu forom ta’ akkwakultura b’potenzjal għoli ta’ tkabbir, għall-ipproċessar, it-tqegħid fis-suq u l-bejgħ dirett tal-produzzjoni tal-akkwakultura stess, għat-twaqqif ta’ servizzi ta’ ġestjoni, għajnuna u konsulenza għall-farms tal-akkwakultura, kif ukoll għall-promozzjoni tal-kapital uman u tan-netwerking.

3.4.2.4   Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti. Però, rigward l-aħħar punt, il-KESE jipproponi li, bil-għan li tittejjeb l-attività żviluppata mill-ħaddiema tal-intrapriżi tal-akkwakultura, għandha tinfetaħ linja speċifika ta’ għajnuna għat-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fl-istabbilimenti tal-akkwakultura, kemm għal dawk li jinsabu fil-baħar kif ukoll għall-impjiegi abbord il-bastimenti awżiljarji tal-akkwakultura, inklużi l-istabbilimenti fuq l-art.

3.4.2.5   Il-KESE jipproponi li l-għajnuna għat-tagħlim tul il-ħajja, it-tixrid ta’ għarfien u prattiki innovattivi, eċċ., ma tkunx limitata għall-intrapriżi l-kbar, għaliex l-importanza ta’ dawn l-azzjonijiet kollha tiġġustifika li ma jkun hemmx limitazzjonijiet relatati mad-daqs tal-intrapriżi. Madankollu, jemmen li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju għandhom jingħataw prijorità.

3.4.2.6   Sabiex jiżdied il-potenzjal tas-siti tal-akkwakultura, il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għall-identifikazzjoni u l-immappjar tal-aktar żoni adattati, għat-titjib tal-infrastrutturi u għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja fl-akkwakultura.

3.4.2.7   Il-KESE jemmen li hemm bżonn tingħata l-għajnuna għall-investimenti biex tittejjeb l-infrastruttura tal-portijiet fejn tkun ibbażata l-akkwakultura tal-baħar jew il-postijiet ta’ nżul, u għall-investimenti f’faċilitajiet għall-ġbir tar-residwi u l-iskart.

3.4.2.8   L-inkoraġġiment ta’ intrapriżi ġodda fis-settur tal-akkwakultura. Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għat-twaqqif ta’ mikrointrapriżi tal-akkwakultura minn persuni ġodda bil-kundizzjoni li jibdew l-attivitajiet tagħhom fis-settur bil-kompetenzi u l-ħiliet adegwati, ikunu qegħdin iwaqqfu għall-ewwel darba mikrointrapriża fis-settur tal-akkwakultura bħala kapijiet tal-intrapriża, u jissottomettu pjan tan-negozju għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fl-akkwakultura.

3.4.2.9   Il-KESE jipproponi li l-għajnuna ta’ dan it-tip tagħmel referenza għall-ħolqien nett tal-impjiegi għal kwalunkwe intrapriża tal-akkwakultura, irrispettivament minn jekk din tkunx ġdida jew le.

3.4.2.10   Sabiex tiġi promossa akkwakultura b’livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna sabiex jiġu koperti ċerti investimenti. Il-KESE huwa tal-fehma li, bħalma jsir fis-settur tas-sajd, jeħtieġ li tiġi inkluża l-għajnuna għall-investimenti bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-kontaminanti jew il-gassijiet b’effett ta’ serra u għall-verifiki u skemi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

3.4.2.11   Tista’ tingħata l-għajnuna wkoll għall-konverżjoni għal sistemi ta’ ġestjoni u ta’ verifika ambjentali u għall-akkwakultura organika, għall-akkwakultura li tipprovdi servizzi ambjentali, għall-miżuri tas-saħħa pubblika u għall-miżuri tas-saħħa u l-benessri tal-annimali.

3.4.2.12   Il-KESE jikkunsidra li s-saħħa tal-annimali hija kruċjali għas-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura, u għalhekk jemmen li jeħtieġ jissaħħaħ l-appoġġ tal-FEMS għal dan l-aspett. F’dan ir-rigward jipproponi li jinħolqu u jiġu żviluppati raggruppamenti għall-ħarsien tas-saħħa fl-akkwakultura, hekk kif jeżistu b’suċċess fit-trobbija tal-annimali fuq l-art.

3.4.2.13   Il-proposta tipprevedi l-possibbiltà li tingħata l-għajnuna maħsuba għal assigurazzjoni fuq l-istokkijiet tal-akkwakultura li għandha tkopri ċertu telf. Il-KESE jemmen li għandhom jiġu inklużi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ġbir u l-qrid ta’ annimali li jkunu mietu fil-farm b’mewta naturali, f’inċidenti, eċċ., kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-qtil u d-dfin fil-farm tagħhom għal raġunijiet ta’ saħħa tal-annimali u wara li tkun inkisbet awtorizzazzjoni amministrattiva.

3.4.3   Żvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd

3.4.3.1   L-għajnuna prevista f’din l-iskema ser tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-prijorità tal-UE, jiġifieri li tippromovi żvilupp territorjali bilanċjat u inklużiv taż-żoni tas-sajd filwaqt li jiżdiedu l-impjiegi u l-koeżjoni territorjali. Din l-għajnuna ser tkun tista’ tingħata liż-żoni tas-sajd li huma iżgħar mil-livell NUTS 3 (2).

3.4.3.2   Fil-fehma tal-KESE, l-esklużjoni tal-bliet kostali b’aktar minn 100 000 abitant minn din l-għajnuna hija diskriminazzjoni peress li l-bażi tal-flotot tkun fil-portijiet tas-sajd irrispettivament min-numru ta’ abitanti f’dawn il-bliet.

3.4.3.3   Il-Kummissjoni tipproponi l-aġġornament u t-tisħiħ tal-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali tas-Sajd (“FLAGs”) li ser jipproponu strateġija ta’ żvilupp lokali integrat li tirrifletti l-kompożizzjoni soċjoekonomika taż-żona permezz ta’ rappreżentanza bilanċjata tas-settur privat, is-settur pubbliku u s-soċjetà ċivili.

3.4.3.4   Sabiex ikun jista’ jiġi evalwat b’mod oġġettiv ir-riżultat tal-ħidmiet li wettqu s’issa dawn il-Gruppi, li l-għan tagħhom hu li jagħmlu ż-żoni tas-sajd aktar dinamiċi, il-KESE jemmen li hu essenzjali li l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni tagħha qabel ma l-għajnuna prevista f’din l-iskema tiġi inkluża fil-fondi l-ġodda.

3.4.4   Il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar

3.4.4.1   Il-Kummissjoni tipproponi xi miżuri marbutin mal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar, b’mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

3.4.4.2   Għalkemm il-KESE jappoġġja din il-miżura li ser tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tar-riżorsi u għall-kompetittività tal-intrapriżi, jemmen ukoll li fil-pjani jeħtieġ jiddaħħal xi tip ta’ mekkaniżmu ta’ flessibbiltà peress li ninsabu f’suq globalizzat fejn il-kundizzjonijiet tal-provvista u d-domanda jistgħu jinbidlu kull mument.

3.4.4.3   Il-proposta tipprevedi l-għajnuna maħsuba biex tikkumpensa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness II tar-Regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS). L-għajnuna ser tonqos bil-mod il-mod u ser titneħħa kompletament fl-2019.

3.4.4.4   Il-KESE ma jaqbilx li din l-għajnuna tonqos bil-mod il-mod sakemm titneħħa fl-2019, għaliex hi tagħti kontribut speċjali għall-istabbiliment tas-swieq. Għalhekk, hemm bżonn li din l-għajnuna tinżamm sal-2020.

3.4.4.5   Il-Kumitat innota li tneħħa l-mekkaniżmu ta’ indennizz ta’ kumpens għat-tonn maħsub għall-industrija tal-ipproċessar, li s’issa kien jinsab fl-OKS.

3.4.4.6   Dan il-mekkaniżmu jservi bħala kontroparti għas-sospensjoni totali u permanenti tad-drittijiet tat-tariffa doganali komuni għal tonnijet sħaħ li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi u jkunu maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar. Il-Kumitat jemmen li t-tneħħija ta’ dan il-mekkaniżmu toħloq żvantaġġ ċar għall-produzzjoni tal-UE, li jkollha tikkompeti ma’ prodotti li r-rekwiżiti tal-iġjene u tas-saħħa tagħhom ikunu inqas stretti minn dawk tal-prodotti tal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jinżamm il-mekkaniżmu msemmi ta’ indennizz ta’ kumpens.

3.4.4.7   Il-KESE jaħseb li l-għajnuna għall-ħżin privat imressqa fil-proposta la tikkumpensa u lanqas tiggarantixxi dħul ekwu għall-produtturi tat-tonnijiet f’każ li jonqsu l-prezzijiet tat-tonn fis-suq tal-UE, li huwa l-għan tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ indennizz ta’ kumpens.

3.4.4.8   Il-proposta tipprevedi l-għajnuna għall-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni.

3.4.4.9   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li din l-għajnuna tiġi estiża għat-tfassil u t-tnedija ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni bil-għan li tittejjeb l-immaġni tas-sajd u tal-akkwakultura. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li jiġu inklużi aspetti ġodda, bħall-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’fieri u avvenimenti kummerċjali tas-settur, attivitajiet li jiffaċilitaw l-aċċess għall-innovazzjoni tal-intrapriżi, attivitajiet ta’ taħriġ dwar tekniki aktar avvanzati, proċessi ġodda jew imtejba u sistemi organizzattivi ġodda jew imtejba.

3.4.4.10   Minħabba r-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet interprofessjonali fil-promozzjoni u t-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, il-Kumitat jemmen li mhux biss għandu jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet iżda għandu jingħata wkoll kontribut għall-operat tagħhom bil-għan li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

3.4.4.11   Barra minn hekk, il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għal ċerti investimenti fl-ipproċessar tal-prodotti. Il-Kumitat jemmen li għandhom jiżdiedu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin: it-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-ipproċessar, it-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa pubblika u tal-kwalità tal-prodotti, it-tnaqqis tal-impatt negattiv fuq l-ambjent u ż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-titjib fl-użu tal-ispeċijiet li ma tantx jiġu sfruttati, tas-sottoprodotti u tal-iskart, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ metodi innovattivi fil-produzzjoni, il-ftuħ u l-iżvilupp tas-swieq u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tat-taħriġ tal-ħaddiema.

3.4.5   Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda

3.4.5.1   Il-proposta tipprevedi kumpens għall-ispejjeż addizzjonali tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jiġifieri l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanarji, il-Gujana Franċiża u r-Réunion. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tispjega fid-dettall il-kalkoli li fuqhom hu bbażat it-tqassim tal-baġit fost kull wieħed mir-reġjuni l-aktar imbiegħda u, mill-banda l-oħra, għandha tispjega r-raġuni għaliex naqqset il-baġit maħsub għall-Gżejjer Kanarji filwaqt li żiedet il-baġit mogħti lir-reġjuni l-oħra.

3.4.6   Miżuri ta’ akkumpanjament għall-PKS

3.4.6.1   Il-FEMS jista’ jagħti l-għajnuna għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar tal-UE u għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data bijoloġika, teknika, ambjentali u soċjoekonomika primarja b’konformità mar-Regolament dwar il-PKS. Il-KESE jqis li din l-għajnuna hija essenzjali sabiex jiġu żgurati l-kontroll u l-ġbir tad-data fl-UE kollha, inklużi dawk li jikkonċernaw l-ispezzjonijiet tax-xogħol.

3.4.6.2   Għal ħafna mill-miżuri msemmijin hawn fuq, il-proposta tistabbilixxi l-limitazzjoni li bastiment tas-sajd jingħata din l-għajnuna darba biss matul il-perjodu tal-ipprogrammar. Din il-limitazzjoni għandha titneħħa.

3.4.6.3   Il-KESE jemmen li għandu jitqies il-ħolqien ta’ “fond ta’ kriżi” għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur b’tali mod li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri flessibbli ta’ emerġenza f’każ ta’ ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal, pereżempju, il-konverżjoni tal-flotot minħabba li l-ftehimiet tas-sajd jiġu sospiżi jew ma jiġġeddux, iż-żidiet f’daqqa waħda tal-ispejjeż tal-operat, id-diżastri naturali, eċċ.

3.5   Miżuri finanzjati taħt il-ġestjoni diretta

3.5.1   Politika Marittima Integrata

3.5.1.1   Il-proposta tipprevedi sensiela ta’ għajnuniet għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PMI tal-UE bil-għan li tiġi promossa t-tmexxija integrata tal-affarijiet marittimi u kostali, li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ inizjattivi transsettorjali li huma ta’ benefiċċju reċiproku għas-setturi marittimi u l-politiki settorjali differenti, li jiġu appoġġjati t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda fis-setturi marittimi emerġenti u futuri fir-reġjuni kostali, li tiġi promossa l-protezzjoni tal-ambjent marittimu, b’mod partikolari l-bijodiversità tiegħu u ż-żoni protetti tal-baħar kif ukoll l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi u kostali. Il-KESE huwa favur il-miżuri proposti.

3.5.1.2   Barra minn hekk, tiġi stabbilita għajnuna biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-PKS u tal-PMI, b’mod partikolari fir-rigward tal-pariri xjentifiċi fil-kuntest tal-PKS, il-miżuri speċifiċi ta’ infurzar u ta’ kontroll fil-kuntest tal-PKS, il-kontributi volontarji għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kunsilli konsultattivi, l-informazzjoni dwar is-suq u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Il-Kumitat jemmen li din l-għajnuna hija adegwata.

3.5.1.3   Il-Kumitat jirrikonoxxi r-rwol importanti li jaqdu l-kunsilli konsultattivi reġjonali bħala korpi li l-Kummissjoni tikkonsulta biex tindirizza l-kwistjonijiet differenti marbutin mal-PKS u li fihom jipparteċipaw il-partijiet interessati kollha. Għalhekk, il-Kumitat jemmen li din l-għajnuna għandha tkun kbira biżżejjed biex tiggarantixxi li dawn il-kunsilli jaħdmu tajjeb, b’tali mod li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-membri kollha tagħhom, fosthom ix-xjentisti.

3.5.1.4   Il-KESE jemmen li l-FEMS għandu jiffinanzja l-Kunsill Settorjali futur tal-Impjiegi u l-Ħiliet, li jagħmel parti mill-għanijiet tar-riforma tal-PKS, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Komunikazzjoni “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” (3). Barra minn hekk, iqis li Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura tal-UE għandu jibqa’ jiġi finanzjat. F’każ li dan il-kumitat eventwalment jingħalaq, il-KESE jitlob li jinħoloq Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija, is-Suq u l-Affarijiet Ġenerali.

3.5.1.5   B’rabta mal-informazzjoni dwar is-suq, il-Kumitat jaħseb li kull għajnuna maħsuba għat-tixrid u l-iżvilupp ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura hija pożittiva.

3.5.2   Assistenza teknika

3.5.2.1   Il-proposta tistabbilixxi l-għoti tal-għajnuna għall-assistenza teknika, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tas-sajd sostenibbli u l-parteċipazzjoni tal-UE fl-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tas-sajd reġjonali, kif ukoll għat-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ FLAGs. Il-Kumitat jemmen li din l-għajnuna hija essenzjali.

3.6   Implimentazzjoni

3.6.1   Fl-aħħar nett, il-proposta tiddeskrivi fid-dettall l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna sew fl-iskema tal-ġestjoni konġunta u sew fl-iskema tal-ġestjoni diretta, u tiddefinixxi l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni, is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, kif ukoll il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

3.6.2   Il-KESE japprova s-sistemi ta’ implimentazzjoni fiż-żewġ skemi għaliex huma jiġbru l-esperjenza tal-Kummissjoni fil-proċeduri kollha neċessarji għat-tnedija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-konklużjoni tal-programmi ta’ għajnuna previsti fil-PKS u l-PMI.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni CESE, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 183-195.

(2)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 14, Volum 01, p. 196-238).

(3)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa” COM(2008) 868 final, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/141


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: Strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa”

COM(2012) 148 final

2012/C 299/25

Relatur: is-Sur KRAUZE

Nhar it-30 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-promozzjoni u l-informazzjoni għall-prodotti agrikoli: strateġija Ewropea b’valur miżjud għoli għall-promozzjoni tat-togħmiet tal-Ewropa

COM(2012) 148 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’136 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-programmi ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-UE għandhom rwol essenzjali x’jaqdu billi jgħinu lill-produtturi u lill-ħaddiema Ewropej jindirizzaw l-isfidi ta’ dinja dejjem aktar kompetittiva u jiżguraw pożizzjoni tajba fis-suq billi jispjegaw lill-konsumaturi l-livell għoli tal-istandards tal-prodotti agrikoli tal-UE fir-rigward tat-trattament xieraq tal-annimali u tal-produzzjoni u billi jistimulaw l-esportazzjonijiet.

1.2   Kif qal fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar COM(2011) 436 final (1), il-KESE jappoġġja ż-żewġ għanijiet fundamentali tal-politika l-ġdida ta’ promozzjoni, li hija ffukata fuq is-suq partikolari kkonċernat: l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar is-suq tal-UE u l-promozzjoni tal-esportazzjoni fis-suq estern.

1.3   Hemm bżonn li jiġu identifikati riżorsi addizzjonali ġodda bħala parti mill-qafas finanzjarju 2014-2020 sabiex jiġu indirizzati kriżijiet u sitwazzjoni ta’ emerġenza ġodda li jafu jolqtu s-settur u li ma jkunux jistgħu jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet għall-politika ta’ promozzjoni u informazzjoni taħt il-PAK. Il-KESE jikkunsidra li huwa assolutament kruċjali li jiżdied il-baġit għall-provvista tal-informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi.

1.4   Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida ċari għall-Istati Membri fir-rigward tal-applikanti għal programmi nazzjonali, multinazzjonali jew ta’ pajjiżi terzi. L-evalwazzjoni tal-programmi għandha tittejjeb permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni stretta b’indikaturi speċifiċi. Hemm bżonn aktar trasparenza fl-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-programmi fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE. Biex il-proċedura tiġi ssimplifikata, l-applikanti jistgħu jressqu l-programmi multinazzjonali direttament lill-Kummissjoni. Il-programmi multinazzjonali li jkopru numru ta’ prodotti għandhom jingħataw prijorità permezz ta’ skema aktar favorevoli ta’ finanzjament, li tipprovdi sa 60 % ta’ kofinanzjament mill-UE.

1.5   Għandha tiddaħħal flessibbiltà akbar biex il-programmi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-kundizzjonijiet li dejjem jinbidlu tas-swieq waqt il-fażi tal-implimentazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi ppreżentat programm qafas multiannwali, b’informazzjoni dettaljata għall-ewwel sena biss, f’każijiet fejn il-programmi inkwistjoni jkunu ġew soġġetti għal analiżijiet tas-suq u valutazzjonijiet tal-impatt, billi permezz ta’ hekk ikun possibbli li l-pjani jiġu aġġustati mill-ġdid għas-snin ta’ wara.

1.6   Il-KESE jenfasizza li l-leġislazzjoni dwar il-promozzjoni għandha tiċċara r-rwol tad-ditti u l-bilanċ bejn il-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni ta’ ditti privati. L-idea bażika hi li l-promozzjoni tal-prodotti permezz ta’ ditti speċifiċi għandha tiġi eżaminata. Għandu jkun permess li tissemma l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li ma jkunux kisbu denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta. Il-kunċett tal-oriġini tal-UE jista’ jitwassal permezz ta’ slogans ġeneriċi li ma jheddux id-dritt tal-konsumatur li jirċievi informazzjoni adatta.

1.7   Rigward l-islogan Ewropew komuni għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni esterna, jagħmel sens li jitwassal mesaġġ wieħed li jiġbor flimkien u li jkopri l-prodotti kollha Ewropej taħt l-istess kappa. Huwa kruċjali li l-konsumatur jitwassallu messaġġ li jkun faċli li jiġi identifikat.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda lista unika ta’ prodotti eliġibbli, sabiex il-proċeduri jiġu ssimplifikati. Il-lista għandha tiġi estiża biex il-prodotti kollha jkunu jistgħu jiġu promossi fi ħdan skemi oħra ta’ kwalità li jwasslu l-messaġġ tal-kwalità tal-produzzjoni tal-UE, pereżempju skemi nazzjonali, reġjonali jew organiċi.

1.9   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jinħoloq netwerk għall-iskambju tal-prattiki tajbin bejn il-professjonisti, sabiex jiġu implimentati programmi u kampanji promozzjonali multinazzjonali li jkunu strutturati tajjeb u kkoordinati, inkluż bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat l-użu ta’ teknoloġiji ġodda biex il-konsumaturi u l-produtturi jidħlu f’kuntatt ma’ xulxin. Ser ikun hemm bżonn li dawn il-mekkaniżmi ma jitħallewx joħolqu kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

2.   Il-qofol tal-Komunikazzjoni

2.1   Jekk irridu nilħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jeħtieġ li nappoġġjaw agrikoltura li tiżgura s-sigurtà fil-provvista tal-ikel, użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, id-dinamiżmu taż-żoni rurali kif ukoll it-tkabbir u l-impjieg. Politika ta’ promozzjoni effettiva hija importanti ferm biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

2.2   Il-programmi promozzjonali jiġu kkofinanzjati fuq bażi ta’ massimu ta’ 50 % pprovduti mill-UE, minimu ta’ 20 % pprovduti mill-assoċjazzjonijiet tan-negozju u l-bqija mill-Istat Membru. Madankollu, ħafna drabi t-tressiq tal-programmi fil-pajjiżi barra mill-UE kien nieqes minn ċerta ambizzjoni u l-impatt tiegħu kien anqas b’saħħtu u ħa aktar fit-tul.

2.3   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tippreżenta l-lakuni fl-azzjonijiet ta’ promozzjoni li jeżistu bħalissa, bħall-burokrazija amministrattiva, l-iżbilanċ fl-azzjonijiet meħuda u l-ostakli li jxekklu l-progress. Imbagħad, tressaq xi suġġerimenti dwar kif dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati u kif tista’ tittejjeb l-immaġni tal-prodotti agrikoli Ewropej.

2.4   Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-għanijiet li ġejjin għall-politika futura ta’ promozzjoni:

aktar valur miżjud Ewropew;

politika aktar attraenti u sigura dwar l-impatt tagħha;

ġestjoni aktar sempliċi; u

aktar sinerġiji bejn l-istrumenti ta’ promozzjoni differenti.

2.5   Il-Kummissjoni tippreżenta l-linji gwida għall-politika ta’ promozzjoni tagħha.

2.5.1   Ambitu ta’ applikazzjoni aktar attraenti

L-ambitu tal-inizjattivi ser ikun jista’ jiġi estiż lil hinn mill-assoċjazzjonijiet tan-negozju settorjali biex jinkludi l-intrapriżi privati, kemm-il darba dawn joffru valur miżjud għoli għall-Unjoni Ewropea.

Qed jiġi propost li jkun hemm lista waħda biss ta’ prodotti eliġibbli, li ssegwi mill-aktar qrib possibbli l-lista ta’ prodotti koperti mill-politika ta’ kwalità. L-attivitajiet jistgħu jwasslu messaġġi tematiċi u jagħmlu użu mifrux minn teknoloġiji ġodda li jippermettu l-iskambju tal-prattiki tajbin kif ukoll jiffaċilitaw il-bejgħ tal-prodotti.

Sabiex tiġi żviluppata immaġni Ewropea tal-prodotti agroalimentari, kull miżura ta’ informazzjoni u konsultazzjoni għandha ssemmi l-oriġini Ewropea tal-prodott. Xorta ser jibqa’ possibbli li l-oriġini tal-prodotti li jkollhom Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta (DOP) jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) tissemma bħala l-indikazzjoni ewlenija.

Il-valutazzjoni tal-impatt għandha teżamina l-possibbiltà li fis-suq estern jitnedew skemi mħallta li jkunu jinkludu sezzjoni ġenerika u sezzjoni kummerċjali fejn jiġu ppreżentati d-ditti privati.

Ser jissaħħaħ l-appoġġ għall-promozzjoni tas-simboli Ewropej tal-kwalità tal-ikel, bħat-tikketti ta’ DOP, IĠP u STG (Speċjalità Tradizzjonali Garantita).

2.5.2   Ambitu ta’ applikazzjoni usa’

Għandu jkun hemm tip ġdid ta’ attività li tikkonsisti fl-assistenza teknika maħsuba biex tgħin lill-operaturi tas-suq jieħdu sehem fi programmi kkofinanzjati, iwettqu kampanji effiċjenti jew jiżviluppaw l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħhom.

2.5.3   Modi ta’ intervenzjoni riveduti

Din ir-reviżjoni tirreferi għall-programmi multinazzjonali, li bħalissa mhux qed jiksbu r-riżultati mixtieqa. Il-missjonijiet ta’ livell għoli f’pajjiżi terzi li jinvolvu lill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali ser jibqgħu jsiru u l-Kummissjoni ser tkompli tipparteċipa f’fieri internazzjonali.

2.5.4   Il-promozzjoni u l-kriżi

Minħabba r-restrizzjonijiet tal-qafas finanzjarju 2014-2020, ser tkun aktar iebsa li jiġu mmobilizzati approprjazzjonijiet addizzjonali għall-miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni bħala tweġiba għall-kriżijiet. Hemm bżonn deċiżjoni dwar jekk il-finanzjament għal tweġiba Komunitarja għal kriżi għandux jiġi mill-politika futura ta’ promozzjoni jew mill-miżuri orizzontali taħt il-PAK.

2.5.5   Ġestjoni ssimplifikata u ottimizzata

Is-segwitu u l-ġestjoni tal-programmi għandhom ikunu aktar sempliċi, aktar flessibbli u aktar operattivi.

2.5.6   Aktar koerenza bejn l-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni

Il-miżuri li ser jitwettqu fil-qafas tal-iskema ta’ promozzjoni, kif ukoll azzjonijiet oħra f’dan il-qasam, ser ikunu aktar koerenti mal-Politika Agrikola Komuni.

3.   Analiżi tal-proposta u kummenti tal-Kumitat

3.1   Opinjonijiet preċedenti tal-KESE kkummentaw li fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-politika agrikola Ewropea, qed isir dejjem iżjed importanti li ssir promozzjoni tal-prodotti agroalimentari Ewropej, sabiex din tgħinhom jistabbilixxu ruħhom bħala prodotti ta’ valur miżjud għoli u tgħin lill-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha ta’ mexxejja fil-provvista tal-ikel (2).

3.2   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza taż-żewġ għanijiet tal-politika Ewropea l-ġdida għal dan is-settur: l-ewwel nett, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-istandards ta’ kwalità għolja u ta’ valur miżjud għoli tal-prodotti fis-suq tal-UE, b’enfasi fuq il-garanziji aktar sodi fir-rigward tal-modi ta’ produzzjoni, it-tikkettar, it-traċċabbiltà u s-sikurezza tal-ikel u fuq ir-rekwiżiti aktar stretti fir-rigward tal-ambjent, it-trattament xieraq tal-annimali u r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema; u t-tieni nett, il-promozzjoni tal-esportazzjoni fis-suq estern, b’enfasi fuq il-kwalità, il-valur nutrizzjonali u gastronomiku, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-prodotti Ewropej.

3.3   Il-KESE japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-politika attwali tal-UE fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni sabiex issir aktar effikaċi, immirata u ambizzjuża.

3.4   Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali l-proposti u l-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-politika futura għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli bil-għan li tittejjeb il-kompetittività tas-settur u li ssir sensibilizzazzjoni dwar l-istandards għoljin tal-mudell agroalimentari Ewropew.

3.5   Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza għal dispożizzjonijiet li jikkonċernaw mekkaniżmu awtomatiku jew semiawtomatiku li jista’ jgħin l-ekonomiji milquta minn kriżijiet tal-ikel biex jirkupraw u li jkun rapidu, effiċjenti, sistematiku u effikaċi. Filwaqt li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ikkawżati mill-kriżi finanzjarja attwali, il-KESE jikkunsidra li huwa assolutament kruċjali li jiżdied il-baġit għall-provvista tal-informazzjoni u l-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi. Hemm bżonn li riżorsi ġodda addizzjonali jiġu identifikati fi żmien opportun bħala parti mill-qafas finanzjarju 2014-2020 sabiex jiġu indirizzati kriżijiet u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ġodda li jafu jolqtu s-settur u li ma jkunux jistgħu jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet għall-politika ta’ promozzjoni u informazzjoni taħt il-PAK.

3.6   Il-KESE jenfasizza li l-programmi għandu jkollhom viżjoni Ewropea bbażata fuq il-valur miżjud, inkluża enfasi fuq il-ħolqien tal-impjiegi, u jemmen li l-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida ċari għall-Istati Membri fir-rigward tal-applikanti għal programmi nazzjonali, multinazzjonali jew ta’ pajjiżi terzi. L-evalwazzjoni tal-programmi għandha tittejjeb permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni stretta b’indikaturi speċifiċi. Huwa essenzjali li tiġi introdotta aktar trasparenza fl-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-programmi fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE. Biex il-proċeduri jiġu ssimplifikati, l-applikanti jistgħu jressqu l-programmi multinazzjonali direttament lill-Kummissjoni u l-proċeduri ta’ għażla għandhom jitħaffu fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE.

3.7   Rigward il-possibbiltà li tiġi estiża l-firxa ta’ benefiċjarji tal-programmi operazzjonali, il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lill-organizzazzjonijiet tan-negozju fis-settur agroalimentari peress li dawn il-korpi jiġbru n-negozji flimkien u jikkofinanzjaw l-operazzjonijiet. Il-benefiċjarji l-oħra kollha għandhom jiġu approvati biss fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju settorjali.

3.8   Kwalunkwe organizzazzjoni tan-negozju settorjali li tipproponi programm għandha tingħata l-opportunità li tiġġestixxi x-xogħlijiet, jew waħidha jew b’mod konġunt, skont l-iskala tal-inizjattiva u skont il-kapaċitajiet u l-esperjenza tagħha. Għandha titqies il-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet settorjali iżgħar mill-Istati Membri jitħallew japplikaw għal programmi promozzjonali bħala benefiċjarji u bħala korpi eżekuttivi għax għandhom l-aħjar għarfien dwar il-prodotti tradizzjonali tagħhom u dwar kif dawn għandhom jiġu promossi.

3.9   Il-KESE jirrakkomanda lista unika ta’ prodotti eliġibbli, sabiex il-proċeduri jiġu ssimplifikati. Il-lista ta’ prodotti li huma koperti mil-leġislazzjoni għandha tiġi estiża biex jiġu promossi l-prodotti kollha li jwasslu l-messaġġ tal-kwalità tal-produzzjoni tal-UE jew li jistgħu jsaħħuh. Għall-prodotti li jkollhom identità nazzjonali qawwija, jaf ikun ta’ vantaġġ u għandu jkun possibbli li tiġi indikata l-oriġini nazzjonali anke jekk ma jkollhomx it-tikketta tad-DOP jew tal-IĠP. Madankollu, il-Kumitat iħoss li l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proposti għandhom jiġu bbilanċjati permezz tal-bżonn li primarjament jiġu promossi l-prodotti tal-UE.

3.10   Il-KESE jappoġġja l-proposta li tinħoloq pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-prattiki tajbin bejn il-professjonisti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi u kampanji promozzjonali multinazzjonali li jkunu strutturati tajjeb u kkoordinati, inkluż bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda, li hawn jafu jservu ta’ għodod prezzjużi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat li dawn il-mekkaniżmi ma jwasslux għad-distorsjoni tas-swieq jew tal-kompetizzjoni.

3.11   Rigward il-metodi maħsuba biex itejbu l-programmi ta’ kwalità u biex dawn jitfasslu b’mod li jkopru diversi pajjiżi, il-KESE jaqbel li dawn il-programmi multinazzjonali għandhom jingħataw prijorità għax jipprovdu dimensjoni verament Ewropea u jirrikjedu l-appoġġ tal-UE. Il-KESE jissuġġerixi li l-Kummissjoni għandha żżid il-kontribut tagħha speċjalment fejn huma involuti s-swieq emerġenti.

3.12   Il-Kumitat jilqa’ l-proposta li l-promoturi tal-programmi jitħallew jagħtu informazzjoni dettaljata għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni biss, f’każijiet fejn il-programmi inkwistjoni jkunu ġew soġġetti għal analiżijiet tas-suq u valutazzjonijiet tal-impatt li jistabbilixxu l-potenzjal għall-ksib tal-għanijiet, u li jipprovdu d-dettalji għas-snin ta’ wara aktar tard. Dan jagħmel il-programmi aktar flessibbli u jgħinhom jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq.

3.13   Barra l-iskemi Ewropej ta’ kwalità tal-ikel imsemmija fil-Komunikazzjoni, jiġifieri d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP), l-Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) u l-Ispeċjalità tradizzjonali garantita (STG), ta’ min jinkludi mekkaniżmi kwalitattivi oħrajn, pereżempju fir-rigward tal-agrikoltura organika jew il-kwalità reġjonali.

3.14   Il-KESE jemmen li l-leġislazzjoni dwar il-promozzjoni għandha tiċċara r-rwol tad-ditti u l-bilanċ bejn il-promozzjoni ġenerika u l-promozzjoni ta’ ditti privati, b’mod partikolari fil-pajjiżi barra mill-UE. Dan jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-kampanji promozzjonali (impatt akbar vis-à-vis l-importaturi u l-konsumaturi) u jipprovdi inċentivi akbar għall-parteċipazzjoni tan-negozji li, fl-analiżi finali, jikkofinanzjaw dawn l-azzjonijiet. Bil-għan li tiġi żgurata informazzjoni kompleta u trasparenti, għandu jkun permess li tissemma l-oriġini tal-prodott, anke għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta. Il-kunċett tal-oriġini tal-UE jista’ jitwassal permezz ta’ slogans ġeneriċi li ma jheddux id-dritt tal-konsumatur li jirċievi informazzjoni adatta.

3.15   Mil-lat tal-perspettiva ta’ simplifikazzjoni, l-idea li tiġi żgurata l-koerenza baġitarja tal-programmi differenti ta’ promozzjoni jistħoqqilha tiġi appoġġjata.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE, ĠU C 43, 15.02.2012, p. 59-64.

(2)  CESE 1859/2011, ĠU C 43, 15.02.2012, p. 59-64.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet”

COM(2012) 155 final — 2012/0077 (COD)

2012/C 299/26

Relatur jaħdem mingħajr grupp ta’ studju: is-Sur KALLIO

Nhar it-18 ta’ April 2012 u nhar l-24 ta’ April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet

COM(2012) 155 final — 2012/0077 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'141 vot favur u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinsab sodisfatt ħafna bis-suċċess tal-pjan għall-istokkijiet ta’ merluzz fil-Baħar Baltiku u jħoss li huwa importanti li l-pjan jiġi estiż.

1.2

Il-KESE jemmen li l-emendi proposti għall-Artikoli 4, 5 u 8 u għall-Artikolu 29(2), (3) u (4) huma bidliet tekniċi aċċettabbli u neċessarji sabiex ikun hemm konformità mat-TFUE.

1.3

Il-KESE mhuwiex favur id-delega ta’ setgħa leġislattiva lill-Kummissjoni biex jiġu determinati r-rati ta’ mortalità għas-sajd, kif ġie propost fl-Artikoli 27 u 29a. Il-KESE jaħseb li huwa l-privileġġ tal-Kunsill li jieħu deċiżjonijiet f'dan il-qasam taħt l-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

2.   Daħla

2.1

Skont rapporti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), sar sajd eċċessiv tal-istokkijiet tal-merluzz tal-Baħar Baltiku fil-bidu tas-snin 2000. Fis-sottotaqsimiet 25-32 tal-ICES, ir-rata ta’ mortalità mis-sajd għall-merluzz tal-Lvant tal-Baltiku naqqset l-istokk għal livell fejn kien hemm il-periklu li jikkollassa. L-istokk tal-merluzz tal-Punent tal-Baltiku fis-sottotaqsimiet 22-24 tal-ICES kien f'qagħda daqsxejn aħjar, iżda l-qabda tal-istokk kienet taħt il-livell potenzjali għat-tul. Huwa għalhekk li fit-18 ta’ Settembru 2007, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007, twaqqaf pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet. L-għan tal-pjan kien li jiġi żgurat li l-istokkijiet tal-merluzz tal-Baltiku jkunu jistgħu jiġu sfruttati taħt kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

2.2

Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-pjan stabbilixxa regoli għat-twaqqif ta’ opportunitajiet għas-sajd annwali għall-istokk, f'termini tal-qabda totali u l-isforz tas-sajd aċċettabbli. Dawn ir-regoli jinkludu parametru tal-mortalità mis-sajd imsejjes fuq rakkomandazzjonijiet xjentifiċi annwali u użat biex tiġi diterminata l-vijabilità tal-istokk. Barra minn hekk, l-Artikolu 27 tar-Regolament stipola li l-Kunsill jiddetermina r-rata ta’ mortalità mis-sajd permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata u abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-objettivi ta’ ġestjoni tal-pjan ikunu jistgħu jintlaħqu. B'mod simili, l-Artikolu 26 ippermetta li l-Kunsill jimmodifika l-pjan u jiżgura li jintlaħqu l-objettivi.

2.3

L-implimentazzjoni tal-pjan kienet suċċess. Ir-rata ta’ mortalità mis-sajd taż-żewġ stokkijiet ta’ merluzz tal-Baltiku hija inqas mill-objettiv fil-pjan attwali. Il-mortalità mis-sajd għall-istokk ta’ merluzz fil-Lvant tal-Baltiku wkoll hija inqas mir-rendiment massimu sostenibbli (Maximum Sustainable Yield – MSY) u l-istokk riproduttiv żdied b'iktar minn erba' darbiet minn mindu l-pjan ġie implimentat. Ix-xejra għall-istokk tal-merluzz fil-Punent tal-Baltiku kienet iżjed gradwali, iżda jidher ċar li miexja fid-direzzjoni t-tajba.

3.   Proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. Dan l-att ġie adottat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u għaldaqstant trid tiġi emendata skont it-Trattat il-ġdid.

3.2

L-Artikolu 290 TFUE jipprevedi li att leġislattiv jista' jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġislattivi ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplementaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv. Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet prevista fl-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament tiġi kkonvertita f'sistema ta’ setgħat iddelegati li għandhom jiġu eżerċitati mill-Kummissjoni sabiex jiġu monitorjati l-pjan u l-miri tal-mortalità mis-sajd.

3.3

Il-pjan jesiġi li kull tliet snin issir valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta’ ġestjoni tal-istokkijiet u s-sajd ikkonċernati. Huwa diffiċli ħafna li wieħed jirrispetta dan ir-rekwiżit minħabba d-disponibilità limitata ta’ data relevanti sabiex issir valutazzjoni adatta. Skont il-pariri xjentifiċi, valutazzjoni sħiħa tal-prestazzjoni tul it-tliet snin tal-pjan ma tistax issir qabel ħames snin wara li jiġi introdott il-pjan. Konsegwentement, il-kalendarju għall-valutazzjoni tal-pjan għandu jiġu modifikat.

3.4

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tikkonferma jekk jiġux rispettati jew le l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 dwar it-tneħħija ta’ ċerti żoni tal-Baltiku mill-ambitu tal-miżuri.

3.5

Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li sa mhux aktar tard mill-2015 jilħqu l-qabda massima sostenibbli għall-istokkijiet li naqsu ħafna, iżda dan mhuwiex iddikjarat bħala objettiv tal-pjan. Sabiex jiġu evitati ambigwitajiet fil-pjan, għandu jinkludi referenza għall-MSY.

3.6

L-Artikoli 5 u 8, li jistabbilixxu l-qabda totali permissibbli (TAC) għall-istokkijiet tal-merluzz u n-numru massimu ta’ jiem ta’ assenza mill-port, għandhom jiġu emendati b'mod adatt sabiex jiġi kkjarifikat li l-proċedura inkwistjoni hija dik prevista fit-Trattat.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jinsab sodisfatt ħafna bis-suċċess tal-pjan għall-istokkijiet ta’ merluzz fil-Baħar Baltiku u jħoss li huwa importanti li l-pjan jiġi estiż.

4.2

Il-proposta tal-Kummissjoni temenda l-objettivi tal-pjan, fl-Artikolu 4. Il-KESE jaħseb li r-referenza proposta għall-MSY hija konformi mal-mira komuni tal-UE għall-istokkijiet tal-ħut.

4.3

Il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikoli 5 u 8 tal-pjan, tissostitwixxi deċiżjonijiet b'maġġoranza kkwalifikata tal-Kunsill b'deċiżjonijiet li jikkonformaw mat-Trattat il-ġdid. Dawn huma bidliet tekniċi li jirriflettu t-tibdil fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet introdott mit-TFUE.

4.4

Fir-rigward tal-Artikolu 26, il-Kummissjoni tipproponi li l-valutazzjoni tal-pjan issir f'intervalli ta’ ħames snin. Il-KESE jaċċetta r-raġunijiet mogħtija għal dan, iżda josserva li l-qagħda tal-istokkijiet tal-merluzz għandha tiġi mmonitorjata kull sena b'referenza għall-pjan f'konnessjoni mal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut tal-ICES.

4.5

Fid-dawl tal-proċedura attwali għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu emendati l-Artikolu 29 (2), (3) u (4) sabiex tkun tista' tagħti eżenzjonijiet għal-limiti tal-qabdiet. Taħt il-proposta, il-Kummissjoni għandha tikkonferma l-eżenzjonijiet kull sena permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, u kumitat ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri għandu jevalwa u joħroġ rapport dwar il-kwistjoni. Il-KESE huwa favur it-twessigħ tal-mandat tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, iżda jenfasizza li l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet għandhom jitressqu kmieni biżżejjed sabiex issir valutazzjoni qabel ma jibda l-perjodu tas-sajd ta’ wara.

4.6

Il-proposta temenda l-Artikoli 27 u 29 sabiex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati. Il-KESE esprima l-fehma tiegħu dwar din il-kwistjoni f'opinjonijiet preċedenti (1). Dawn l-opinjonijiet jinnotaw li s-setgħa biex jiġu adottati atti delegati trid tkun soġġetta għal perjodu ta’ żmien limitat. Barra minn hekk, atti delegati għandhom ikunu riżervati għal oqsma fejn deċiżjonijiet iridu jittieħdu malajr.

4.7

Il-proposta fl-Artikolu 29 biex il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati abbażi tal-Artikoli 26 u 27 għandha tibdel b'mod sinifikanti l-prinċipji tat-tfassil tal-politika tas-sajd tal-UE. Il-pass bil-mod li bih attwalment jittieħdu deċiżjonijiet mill-Kunsill u l-Parlament jiġġustifika d-delega tas-setgħa. Il-KESE huwa tal-fehma li soluzzjoni għal din il-problema għandha tinstab l-ewwel permezz ta’ kjarifika tad-distribuzzjoni tal-awtorità bejn il-Parlament u l-Kunsill taħt l-Artikolu 43(2) u (3) tat-TFUE. Il-KESE jifhem li r-rata ta’ mortalità mis-sajd li hija determinata skont l-Artikolu 27 tal-pjan hija marbuta direttament mat-twaqqif u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd, jiġifieri taqa' taħt il-kompetenza eskussiva tal-Kunsill skont l-Artikolu 43(3) tat-TFUE.

4.8

Il-pjan għall-istokkijiet ta’ merluzz tal-Baltiku huwa maħsub ukoll biex jiżgura opportunitajiet tas-sajd stabbli, li abbażi tiegħu l-kumpaniji tas-sajd kummerċjali jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom b'sens ta’ ċertezza. Il-KESE jibża' li jekk il-Kummissjoni tingħata d-delega tas-setgħa biex tibdel ir-rata ta’ mortalità mmirata fis-sajd, li abbażi tagħha jiġu determinati l-kwoti tal-qbid, dan jista' jwassal f'qasir żmien għal bidla rapida fil-kwoti tal-qbid li tista' tagħmel ħsara lill-industrija tas-sajd.

4.9

Raġuni oħra biex il-Kunsill iżomm ir-responsabilità għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rata ta’ mortalità mmirata fis-sajd kif applikata fil-pjan hija l-bidla fil-prinċipji li fuqhom jissejjes il-parir xjentifiku mogħti minn sena għal oħra. Il-parir xjentifiku ma jqisx il-ħtieġa għal stabilità soċjoekonomika. Bidla fil-prinċipji jew il-metodu ta’ kalkolu tista' tibdel b'mod sinifikanti r-rata ta’ mortalità mmirata fis-sajd rakkomandata mir-riċerkaturi, mingħajr ma jkun sar xi bdil notevoli fl-istokk tal-ħut.

4.10

Il-KESE jinnota wkoll l-isforzi li qed isiru attwalment biex jiġi żviluppat mudell għar-regolazzjoni tal-ispeċijiet tal-merluzz tal-Baltiku u pelaġiċi. Pjan ibbażat fuq dan il-mudell eventwalment se jieħu post il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz tal-Baltiku, u m'hemmx raġuni biex isiru bidliet għajr dawk neċessarji għall-pjan attwali, li qed iwassal għal riżultati pożittivi.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  CESE, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 33-36 u CESE, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 56-59.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/148


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Informatika ta’ prestazzjoni għolja: post l-Ewropa f’tellieqa globali”

COM(2012) 45 final

2012/C 299/27

Relatur: is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Informatika ta’ prestazzjoni għolja: post l-Ewropa f'tellieqa globali

COM(2012) 45 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1   B'mod ġenerali, il-Kumitat jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja bis-sħiħ l-għanijiet li tipproponi. L-informatika ta’ prestazzjoni għolja (HPC) hija indispensabbli għall-iżvilupp ta’ għarfien ġdid u ssejjes il-bażi għall-iżvilupp ta’ ħafna prodotti, proċeduri u servizzi innovattivi.

1.2   L-HPC hija parti mill-Aġenda Diġitali u saret għodda indispensabbli fl-isfond modern tar-riċerka u fl-ekonomiji nazzjonali, u tkopri l-politiki tal-enerġija, tal-klima, tas-saħħa, tal-ekonomija, tas-soċjetà u tad-difiża. L-HPC hija ta’ importanza strateġika għall-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3   Il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp ta’ ekosistema Ewropea tal-HPC u l-infrastruttura ta’ riċerka PRACE diġà stabbilita għal dan il-għan, li għandha tiggarantixxi li l-utenti/atturi potenzjali kollha fl-UE, b'mod partikolari dawk fl-universitajiet u l-SMEs, ikollhom aċċess f'kundizzjonijiet ugwali għar-riżorsi HPC.

1.4   Sabiex tkompli tiġi żviluppata l-HPC, minbarra l-aspetti kuntrattwali u finanzjarji ta’ ekosistema effiċjenti tal-HPC, hemm ukoll żewġ kompiti b'importanza ugwali: minn naħa hemm l-iżvilupp ta’ hardware għall-kompjuters tal-ġenerazzjoni li jmiss, imsejħin kompjuters fuq skala exa, u min-naħa l-oħra hemm l-iżvilupp u t-tixrid tas-software ambizzjuż ħafna li huwa meħtieġ għall-użu ta’ dawn il-kompjuters. Il-ħidma fuq dawn iż-żewġ kompiti għandha ssir b'mod ugwali.

1.5   Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġja l-proposta li l-investiment attwali tal-EU fl-HPC jiġi rduppjat għall-ammont ta’ EUR 1 200 miljun fis-sena. Dan jimplika żieda ta’ madwar EUR 600 miljun fis-sena mal-investiment attwali u għaliha għandhom jikkontribwixxu l-aktar l-UE, l-Istati Membri u l-utenti industrijali. B'dan il-mod jintlaħaq il-livell ta’ investiment ta’ reġjuni oħra fid-dinja. Madwar nofs dawn ir-riżorsi addizzjonali għandu jmur għall-akkwist ta’ sistemi HPC u bażijiet ta’ evalwazzjoni tal-HPC, filwaqt li n-nofs l-ieħor għandu jinqasam b'mod ugwali bejn it-taħriġ tal-persunal u l-iżvilupp u t-titjib tas-software tal-HPC.

1.6   Għal dan il-għan, minn naħa, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ riċerka/l-universitajiet u l-industrija. Fil-fehma tal-Kumitat, is-sħubijiet pubbliċi privati huma partikolarment adatti għal dan u huma strumenti li diġà ġew ippruvati u ttestjati. F'każijiet individwali jista' jiġi kkunsidrat ukoll l-“akkwist prekummerċjali”, iżda l-Kummissjoni m'għandha bl-ebda mod tirrikjedi dan bħala l-unika għażla possibbli.

1.7   Min-naħa l-oħra hemm bżonn li l-Istati Membri u l-UE jipprovdu biżżejjed riżorsi. Dawn jinħtieġu kemm direttament għall-kompiti msemmijin hawn fuq biex tkompli tiġi żviluppata sistema HPC effiċjenti, kif ukoll indirettament għat-taħriġ tal-persunal bi kwalifiki għoljin u medji meħtieġ, jiġifieri għall-universitajiet u l-persunal tagħhom.

1.8   Il-Kumitat jappella lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex bl-ebda mod ma jonqsu milli jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-HPC msemmijin hawn fuq, li huma neċessarji għat-tisħiħ tal-ekonomija u tal-kompetittività, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Jekk iseħħ dan, tinqabad it-triq tan-niżla li hi waħda perikoluża.

1.9   Fil-fehma tal-Kumitat, il-prijorità ewlenija hija li jkun hemm sistema HPC kompetittiva fl-Ewropa u għall-Ewropa. Dan l-għan ma jimplikax politika industrijali protezzjonista. L-isforzi li jsiru għandhom ikunu biex l-għarfien tekniku (know-how) meħtieġ għall-iżvilupp u l-użu tal-HPC, kif ukoll l-impjiegi u l-livelli ta’ deċiżjonijiet korrispondenti, jinżammu jew jinħolqu fl-Ewropa wkoll. L-iżvilupp ta’ aktar kooperazzjoni mal-atturi globali li s'issa kellhom pożizzjoni ta’ tmexxija fit-teknoloġija u li joperaw jew huma involuti fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa kif ukoll mal-kumpaniji Ewropej li għandhom għarfien espert avvanzat f'segmenti speċifiċi tal-HPC jista' joħloq, fl-istess ħin, il-massa kritika meħtieġa biex nikkompetu mal-pożizzjoni ta’ tmexxija li ċ-Ċina mistennija tikseb fis-suq fil-futur.

2.   Sinteżi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza strateġika tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja (High-Performance Computing jew HPC, li fil-Komunikazzjoni tintuża bħala sinonimu għal informatika ta’ livell għoli, informatika qawwija, informatika ta’ livell dinji, eċċ., sabiex ikun hemm distinzjoni bejnha u bejn informatika distribwita, cloud computing u servers komputanti). Hija bbażata fuq il-Komunikazzjoni dwar l-infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika u fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill, li jitolbu li jkomplu jiġu żviluppati l-“infrastrutturi tal-informatika”, bħas-Sħubija għall-Informatika Avvanzata fl-Ewropa (PRACE, www.prace-ri.eu) kif ukoll li jinġabru flimkien l-investimenti fl-informatika ta’ prestazzjoni għolja fil-qafas tal-PRACE.

2.2   L-Istati Membri, l-industrija u l-komunitajiet xjentifiċi huma mitluba li, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iżidu l-isforzi konġunti tagħhom sabiex sal-2020 l-Ewropa tikseb pożizzjoni ta’ tmexxija fil-provvista u fl-użu ta’ sistemi u servizzi HPC.

2.3   Permezz tal-progress tas-sistemi HPC setgħu jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv l-isfidi soċjali u xjentifiċi kbar, bħall-individwazzjoni bikrija u t-trattament ta’ mard, id-deċifrazzjoni tal-moħħ uman, it-tbassir tal-evoluzzjoni tal-klima jew il-prevenzjoni ta’ diżastri, u setgħu jiġu koperti l-ħtiġijiet tal-industrija li tkun innovattiva fil-prodotti u s-servizzi.

2.4   L-isfidi eżistenti fl-iżvilupp ta’ sistemi HPC dejjem aktar effiċjenti ma jistgħux jiġu solvuti b'sempliċi estrapolazzjoni, iżda jeħtieġu innovazzjoni radikali f'ħafna teknoloġiji tal-informatika. L-atturi industrijali u l-akkademiċi fl-UE għandhom l-opportunità li jerġgħu jsibu l-pożizzjoni tagħhom fil-qasam.

2.5   L-UE tinvesti sostanzjalment inqas fl-akkwist ta’ sistemi tal-informatika ta’ livell għoli milli reġjuni oħrajn (nofs biss meta mqabbla mal-Istati Uniti, fuq livell simili ta’ PDG). Bħala konsegwenza, l-ammont u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-informatika disponibbli fl-UE huma baxxi ħafna meta mqabbla ma’ reġjuni oħrajn fid-dinja, u l-baġits għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fl-HPC huma żgħar.

2.6   L-aspetti l-oħra tal-Komunikazzjoni jikkonċernaw:

is-Sħubija għall-Informatika Avvanzata fl-Ewropa (PRACE),

l-esperjenza tal-Ewropa fil-katina tal-provvista,

il-benefiċċji għall-Ewropa b'involviment attiv fl-HPC,

l-isfidi futuri,

pjan ta’ azzjoni HPC għall-Ewropa,

governanza fil-livell tal-UE,

akkwist pubbliku prekummerċjali u ġbir flimkien tar-riżorsi,

l-iżvilupp ulterjuri tal-ekosistema Ewropea tal-HPC.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1   Approvazzjoni ġenerali

3.1.1   B'mod ġenerali, il-Kumitat jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja bis-sħiħ l-għanijiet li tipproponi. L-informatika ta’ prestazzjoni għolja (HPC) hija l-bażi għall-iżvilupp ta’ ħafna prodotti, proċeduri u servizzi ġodda. Mhix biss waħda mit-teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ l-aktar importanti, iżda tinħtieġ ukoll biex tkun tista' ssir riċerka dwar sistemi kumplessi. Għalhekk, l-HPC hija komponent essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

3.1.2   Permezz tal-iżvilupp u l-użu ta’ kompjuters dejjem aktar effiċjenti, fl-aħħar għexieren ta’ snin l-HPC saret it-tielet pilastru importanti għar-riċerka u l-iżvilupp, li mhux biss jikkumplementa ż-żewġ pilastri “klassiċi” tal-esperimentazzjoni (inkluża d-dimostrazzjoni u l-verifika) u t-teorija, iżda fl-istess ħin qed jikseb importanza dejjem akbar. B'dan il-mod inħoloq settur xjentifiku ġdid: is-simulation science. Barra minn hekk, l-HPC tikkostitwixxi għodda importanti għall-ġbir ta’ data aktar kumplessa kif ukoll għas-sistemi ta’ analiżi u tbassir. L-HPC hija wkoll parti mill-Aġenda Diġitali u saret għodda indispensabbli fl-isfond modern tar-riċerka u fl-ekonomiji nazzjonali, u tkopri l-politiki tal-enerġija, tal-klima, tas-saħħa, tal-ekonomija, tas-soċjetà u tad-difiża.

3.2   Superkompjuters

Il-hardware deċiżiv għall-HPC huwa magħmul mill-hekk imsejħa “superkompjuters”, li għandhom żewġ karatteristiċi tipiċi:

L-effiċjenza sħiħa tagħhom tista' tinkiseb biss permezz tal-użu simultanju, jiġifieri parallel, ta’ numru enormi ta’ kompjuters individwali (proċessuri). Dan ifisser li s-superkompjuters huma magħmula minn madwar miljun proċessur individwali. Sabiex dawn l-għodod ta’ kalkolu estremament kumplessi jkunu jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli, jeħtieġ li jkun hemm programmi tal-kompjuter (software) estremament avvanzati u kkumplikati ħafna u li l-utenti jiġu mħarrġa sabiex ikunu jafu jużawhom. Dan huwa kompitu ta’ żvilupp estremament speċjalizzat li sa issa ġie ssottovalutat ħafna.

L-elettriku meħtieġ għat-tħaddim ta’ kompjuters aktar effiċjenti jakkumula għal ammont tant kbir li skont id-data attwali ma jistax jinkiseb. Mingħajr l-iżvilupp ta’ komponenti kompletament ġodda li jnaqqsu l-enerġija meħtieġa b'99 %(!), superkompjuter tal-ġenerazzjoni li jmiss (kompjuter fuq skala exa) ikun jeħtieġ mill-inqas impjant elettriku għalih biss li jipproduċi 1 000 MW biex jaħdem. It-tnaqqis tal-elettriku meħtieġ għal valuri realistiċi jirrappreżenta sfida enormi li mhux faċli tingħeleb.

3.3   Aspetti ta’ politika Ewropea għall-iżvilupp

Il-Kumitat jindika li l-Komunikazzjoni inkwistjoni ma tindirizzax tant l-isfidi xjentifiċi u tekniċi daqs l-aspetti li jeħtieġu, skont il-Kummissjoni, politika ta’ appoġġ u żvilupp, u għalhekk isiru proposti dwar l-istrumenti sabiex din tinkiseb. Madankollu, il-Kumitat għandu riservi rigward dan u jirrakkomanda sensiela ġdida ta’ konsultazzjonijiet (ara l-punt 4.4).

3.4   Bilanċ bejn hardware u software

Waħda mill-aktar rakkomandazzjonijiet importanti tal-Kumitat hija li l-aspetti tas-software jiġu eżaminati bħala parti ugwalment essenzjali tal-problema u li jinsabu soluzzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp, l-ittestjar u t-tixrid tal-programmi tal-utenti meħtieġa. Hemm bżonn konsiderevoli ta’ riċerka, żvilupp, tagħlim u taħriġ għal-livelli differenti tas-sistemi ta’ kwalifika u tal-utenti. Dan jeħtieġ appoġġ suffiċjenti tal-miżuri korrispondenti fl-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-industrija. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tirrimedja dan in-nuqqas.

3.5   Persunal ikkwalifikat – universitajiet u tagħmir

Wieħed mill-ostakli fundamentali f'dan ir-rigward hu t-taħriġ u d-disponibbiltà ta’ persunal ikkwalifikat b'mod suffiċjenti, pereżempju http://www.hpcwire.com/hpcwire/2012-04-04/supercomputing_education_in_russia.html), mhux biss għall-kompiti meħtieġa tar-R&Ż iżda wkoll għall-użu effiċjenti tas-sistemi HPC. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu fil-miżuri ta’ promozzjoni. Għal dan il-għan, l-universitajiet għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u għandhom jattiraw għadd suffiċjenti ta’ inġiniera u esperti tas-software rikonoxxuti f'livell internazzjonali li jgħallmu u jagħmlu r-riċerka tagħhom fihom; u għandhom ukoll joffru edukazzjoni bi kwalifiki għoljin abbażi tal-esperjenzi fir-riċerka u l-iżvilupp.

3.6   Ekosistema Ewropea tal-HPC – il-pjattaforma PRACE

3.6.1   X'inhi l-PRACE?

Sa mill-2005, l-operaturi u l-utenti taċ-ċentri HPC nazzjonali għarfu u ppromovew il-ħtieġa ta’ infrastruttura HPC Ewropea li tkun tista' tintuża mill-imsieħba kollha. Fil-bidu, ir-rappreżentanti ta’ 14-il Stat Ewropew waqqfu s-sħubija PRACE bil-għan li jippromovu, jużaw u jkomplu jużviluppaw l-HPC fl-Ewropa.

Dan wassal għall-inklużjoni tal-HPC fost l-infrastrutturi ta’ riċerka magħżulin fl-ewwel lista tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) (1). Wara li nħolqu r-rekwiżiti legali, finanzjarji, organizzattivi u tekniċi, fl-2010 twaqqfet il-PRACE AISBL (assoċjazzjoni internazzjonali bla skop ta’ qligħ), bis-sede fi Brussell, sabiex l-utenti tal-imsieħba kollha jkollhom aċċess għall-ħames sistemi HPC nazzjonali l-aktar effiċjenti fl-Ewropa. Issa l-PRACE għandha 24 membru, fosthom l-Iżrael u t-Turkija. Fil-qafas tal-FP7, il-PRACE hija ffinanzjata bis-saħħa ta’ tliet proġetti: għall-ħidma fuq il-portabbiltà, l-ottimizzazzjoni u t-titjib tal-applikazzjonijiet kif ukoll it-taħriġ intensiv tal-utenti. S'issa, erba' Stati msieħba (il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja) wiegħdu kapaċità ta’ kompjuting b'valur ta’ EUR 100 miljun kull wieħed. L-allokazzjoni tal-kwoti tal-użu ser issir fi proċess pan-Ewropew ta’ evalwazzjoni bejn il-pari permezz ta’ Kumitat ta’ Tmexxija Xjentifiku indipendenti.

3.6.2   Pożizzjoni tal-Kumitat dwar il-PRACE

Il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tal-ekosistema Ewropea tal-HPC u l-infrastruttura ta’ riċerka diġà stabbilita għal dan il-għan, li għandha tiggarantixxi disponibbiltà wiesgħa tar-riżorsi HPC bl-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess. Hawnhekk għandu jiġi żgurat li l-utenti/atturi potenzjali kollha fl-UE, b'mod partikolari dawk fl-universitajiet jew l-SMEs, li m'għandhomx rabta diretta mal-organizzazzjoni PRACE, ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp u l-użu tar-riżorsi bħall-atturi l-oħra kollha. Però l-kwistjoni mhix biss li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess għar-riżorsi HPC eżistenti, li hi problema sempliċi u x'aktarx tista' tissolva, iżda li jkun hemm riċerka, żvilupp u finalment il-ksib ta’ ekosistema tal-HPC, kompletament ġdida, akbar, aktar effiċjenti u b'kompjuters fuq skala exa (dwar dan ara punt 4.1 aktar 'l isfel) bħala strumenti ċentrali, mingħajr ma jintesa l-iżvilupp ta’ software ambizzjuż adatt għaliha. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu evitati l-proċeduri ta’ konċentrazzjoni u deċiżjonijiet mgħaġġla dwar sistema komuni partikolari bil-għan li jkun hemm il-kompetizzjoni u l-pluraliżmu fl-approċċi u l-ideat possibbli li huma neċessarji sabiex l-ekosistema tirnexxi u sabiex jintlaħaq l-għan estremament ambizzjuż. Din il-kwistjoni delikata tal-bilanċ tal-politiki ta’ riċerka, żvilupp u kompetizzjoni hija indirizzata fil-paragrafu li ġej. F'dan ir-rigward, il-Kumitat iqis li jinħtieġu diskussjonijiet ġodda bejn il-partijiet interessati potenzjali.

3.7   Appell lill-Kunsill u lill-Istati Membri

3.7.1   Minħabba l-kriżi ekonomika f'bosta Stati Membri tal-UE qed ikun hemm it-tendenza, li wieħed jifhimha fid-dawl tas-sitwazzjoni serja attwali, li jiġu ffrankati l-flus mit-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp. Però dan ser iwassal għat-triq tan-niżla li tista' tkun fatali, peress li għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività jinħtieġu proprju t-teknoloġiji ġodda, l-innovazzjoni u l-ħiliet marbutin magħhom.

3.7.2   Għalhekk, il-Kumitat jappella bis-sħiħ lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ma jkunux żgwidati u jaqbdu t-triq il-faċli, iżda li jinvestu fil-ġdid u f'dak li hu meħtieġ għalih, jiġifieri hawnhekk huma m'għandhomx inaqqsu l-investiment iżda jżiduh. Tirriskjawx il-futur!

4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

4.1   Il-proġett skala exa

L-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss tas-superkompjuters ġie msejjaħ “il-Proġett Skala Exa”. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu mtejba b'mod deċiżiv il-livelli kollha tas-sistema komuni, speċjalment l-enerġija elettrika meħtieġa għall-komponenti individwali importanti, jew probabbilment jeħtieġ li s-sistema kollha terġa' titfassal mill-ġdid. Dan jikkostitwixxi kompitu diffiċli għall-kooperazzjoni – f'qasam mhux nieqes minn tensjonijiet – bejn iċ-ċentri ta'riċerka u l-industrija.

4.2   Kooperazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka u l-kumpaniji

Rigward dan il-qasam tematiku ġenerali kkumplikat il-Kumitat diġà ta l-opinjoni tiegħu f'diversi okkażjonijiet (ara, pereżempju, CESE 330/2009). Fost l-oħrajn, fl-opinjoni reċenti tiegħu (CESE 806/2012) dwar l-“Orizzont 2020” hu rrakkomanda li “għandhom jiġu kkunsidrati approċċi ġodda għall-politika industrijali u dik tal-kompetizzjoni.

Hawnhekk jeżistu d-dubji dwar jekk l-“akkwist prekummerċjali” hux strument adatt għall-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u n-negozju. Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li l-għanijiet differenti, li kultant jikkontradixxu lil xulxin, u r-rekwiżiti tal-politika tar-riċerka, il-politika tal-innovazzjoni u l-politika industrijali jiġu identifikati kif ukoll diskussi u ċċarati mad-diversi partijiet interessati. F'ċerti każijiet jista' jkun hemm bżonn saħansitra ta’ miżuri derogatorji.” (Ara wkoll punt 4.4.)

4.3   Sforzi għall-iżvilupp tal-Proġett Skala Exa

Karatteristika speċifika tal-Proġett Skala Exa hija li, skont l-istil tar-R&Ż moderni, il-kumpaniji kbar u żgħar, inklużi l-atturi globali l-aktar li għandhom suċċess (ara wkoll punt 4.5) f'diversi oqsma (bħal dak tal-proċessuri u l-ħafna komponenti l-oħrajn), jiġu involuti fis-sħubijiet bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u l-industrija, filwaqt li fl-istess ħin jiġu evitati d-deċiżjonijiet mgħaġġlin. Fl-aħħar nett, jista' jkun hemm biss proġett ta’ sistema komuni ottimizzata meta jkun magħruf liema se jkunu l-benefiċċji tal-komponenti li jkunu jistgħu jiġu żviluppati. Sfortunatament, fil-passat kien hemm każijiet fejn dan ġie injorat u b'hekk kien hemm falliment.

4.4   Proġett ta’ promozzjoni – sħubijiet pubbliċi privati

Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li, fid-dawl tal-importanza kbira ta’ sistema HPC effiċjenti fl-Ewropa u għall-Ewropa, il-Kummissjoni tiżviluppa, b'koordinazzjoni mad-diversi atturi potenzjali speċjalment dawk tal-pjattaforma PRACE, proġett ta’ promozzjoni propost b'mod konġunt qabel ma tqiegħed fil-prattika l-inizjattivi deskritti fil-Komunikazzjoni inkwistjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, is-sħubijiet pubbliċi privati (PPPs) b'mod partikolari huma strument li ta prova li hu adatt biex jinkisbu l-għanijiet ta’ żvilupp tal-HPC. Għalhekk, l-“akkwist prekummerċjali” preferut fil-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm jista' jkun adatt għal xi każijiet individwali żgur li m'għandux jiġi infurzat għall-użu ġenerali.

4.5   Korpi fuq skala dinjija

Għal dan il-għan, għandu jkun ċar li l-prijorità prinċipali hija li fil-futur ikun hemm sistema HPC potenti u kompetittiva fl-Ewropa u għall-Ewropa. Peress li s'issa dan il-qasam huwa ddominat mill-atturi globali (bħall-IBM, il-CRAY jew l-INTEL) li l-proprjetajiet, l-installazzjonijiet ta’ manifattura u ċ-ċentri ta’ riċerka tagħhom huma mifruxa madwar id-dinja kollha, il-Kumitat iqis li f'dawn iċ-ċirkostanzi huwa importanti li l-għarfien tekniku (know-how) meħtieġ għall-iżvilupp u l-użu tal-HPC kif ukoll l-impjiegi u l-livelli ta’ deċiżjonijiet korrispondenti jinżammu jew jinħolqu fl-Ewropa wkoll. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ aktar kooperazzjoni mal-kumpaniji li s'issa kellhom pożizzjoni ta’ tmexxija kif ukoll mal-kumpaniji emerġenti li jistgħu jsiru l-mexxejja ta’ għada jista', pereżempju, joħloq il-massa kritika meħtieġa li tkun tista' tirreżisti l-pożizzjoni ta’ tmexxija li ċ-Ċina mistennija tikseb fis-suq fil-futur.

4.6   Riżorsi finanzjarji akbar

Il-KESE jappoġġja l-proposta li l-investiment attwali tal-EU fl-HPC jiġi rduppjat għall-ammont ta’ EUR 1 200 miljun fis-sena. Dan jimplika żieda ta’ madwar EUR 600 miljun fis-sena mal-investiment attwali u għaliha għandhom jikkontribwixxu l-aktar l-UE, l-Istati Membri u l-utenti industrijali. B'dan il-mod jintlaħaq il-livell ta’ investiment ta’ reġjuni oħra fid-dinja. Id-distribuzzjoni proposta ta’ dan l-investiment akbar f'termini approssimattivi hija ta’ 50 % għall-akkwist ta’ sistemi HPC u bażijiet ta’ evalwazzjoni tal-HPC, 25 % għat-taħriġ tal-persunal u 25 % għall-iżvilupp u t-titjib tas-software tal-HPC.

Il-ħtiġijiet finanzjarji kbar huma relatati mal-ispiża għolja tal-HPC. L-akkwist ta’ kompjuter ta’ prestazzjoni għolja jiswa aktar minn EUR 100 miljun, filwaqt li l-manutenzjoni u t-tħaddim tas-sistema jiswew mill-inqas EUR 20 miljun oħra fis-sena. Dan jeħtieġ sħubija strateġika pubblika-privata, li hemm eżempji tagħha fil-pajjiżi b'pożizzjoni ta’ tmexxija fl-HPC.

4.7   Opportunitajiet indaqs u drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Il-Komunikazzjoni turi d-diffikultà kbira tal-manifatturi Ewropej sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom lis-settur pubbliku tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE u li għandhom manifatturi nazzjonali. Meta l-HPC tintuża f'oqsma strateġiċi kbar, bħall-enerġija nukleari, l-industrija militari jew l-industriji tal-gass u taż-żejt, normalment ir-raġunijiet ta’ sigurtà jissemmew bħala ostakli li ma jistgħux jingħelbu. Madankollu, fl-istess ħin il-proġetti ta’ riċerka Ewropej żviluppati fil-kuntest tal-Programm Qafas jistgħu jkunu ta’ benefiċċju indirett għall-kumpaniji ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Filwaqt li jiġi mfakkar li l-pajjiżi suġġetti għall-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trattament nazzjonali u nondiskriminazzjoni (Artikolu 3), il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit aċċess ugwali għas-suq tal-HPC fir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi.

Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġja dak li huwa propost fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Orizzont 2020 (COM(2011) 809 final tat-30 ta’ Novembru 2011), jiġifieri li jiġu ċċarati u mħarsa d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

4.8   HPC u l-konsum tal-enerġija

Mal-isfidi tal-futur għandu jiżdied il-konsum tal-enerġija bħala fattur li jillimita l-iżvilupp tal-HPC (The Greening of HPC - Will Power Consumption Become the Limiting Factor for Future Growth in HPC?, München, 10 ta’ Ottubru 2008. http://www.hpcuserforum.com/presentations/Germany/EnergyandComputing_Stgt.pdf) (ara wkoll punt 3.2). Bit-teknoloġijia attwali, is-sistemi fuq skala exa jikkonsmaw kwantitajiet eċċessivi ta’ enerġija li jżidu l-ispiża tal-operat – huwa stmat li l-enerġija tieħu 50 % ta’ din l-ispiża – u t-tniġġis tal-ambjent.

Jeżistu diversi proposti biex jinkisbu teknoloġiji b'konsum baxx, bħall-kompjuters ibridi fost l-oħrajn, għalkemm dawn iqajmu diversi kwistjonijiet (“(…) Progress in lower-power devices may make it feasible to build future systems with Exascale performance (…). However (…) how do we exploit (…) this disruptive technology?”A Strategy for Research and Innovation Through High Performance Computing. L-Università ta’ Edinburgh, 2011). F'dak li jirrigwarda l-arkitettura, pereżempju, tfasslu diversi strateġiji għat-tnaqqis tal-konsum, bħad-definizzjoni ta’ gżejjer b'vultaġġi ta’ provvista differenti (li jistgħu jintfew ukoll), l-użu ta’ memorji b'konsum baxx (b'ċelloli drowsy) u l-għeluq selettiv ta’ unitajiet. Fil-proċessuri, l-arkitetturi multi-core, multi-thread u clusters jibbilanċjaw it-tagħbija bil-għan li l-konsum u s-sħana jkunu ottimi (Green IT: Tecnologías para la Eficiencia Energética en los Sistemas TI. L-Università Politeknika ta’ Madrid. 2008).

Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li tiżdied il-promozzjoni tat-teknoloġiji b'konsum baxx bħala parti integrali mill-proġett HCP tal-UE.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara ĠU C 182, 04.08.2009, p. 40.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/153


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port”

COM(2012) 129 final — 2012/62 (COD)

U il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE”

COM(2012) 134 final — 2012/65 (COD)

2012/C 299/28

Nhar id-29 ta’ Marzu u nhar il-11 ta’ April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

COM(2012) 129 final – 2012/62 (COD)

u

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE

COM(2012) 134 final – 2012/65 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) hija l-ewwel Kodiċi tax-Xogħol Marittimu kkaratterizzat fil-livell internazzjonali bħala r-“Raba’ Pilastru” tal-konvenzjonijiet marittimi ewlenin. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-proċeduri neċessarji sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri tal-UE, kemm dawk li jaġixxu bħala stati tal-bandiera kif ukoll dawk li għandhom kontroll fuq il-port.

1.2

L-MLC – il-Karta tad-Drittijiet tal-Baħħara – għandha l-għan li tiżgura ħarsien komprensiv dinji tad-drittijiet tal-baħħara u li tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-pajjiżi u s-sidien tal-bastimenti li huma impenjati biex jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-baħħara, u jipproteġuhom minn kompetizzjoni mhux ġustaminn bastimenti bi standard inqas mill-minimu mistenni.

1.3

Il-KESE jtenni s-sejħiet li għamel preċedentement fejn ħeġġeġ lill-UE biex tagħmel sforzi sabiex l-MLC tiġi ratifikata mill-Istati Membri. Jaqbel mal-politika ġenerali li r-regolamenti tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol iridu jkunu konformi ma’ regolamenti internazzjonali, bħall-MLC, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe standard ta’ livell ogħla li jeżisti fl-UE

1.4

Il-KESE jinnota li l-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara abbord il-bastimenti tesiġi għadd suffiċjenti ta’ spetturi b’ħiliet partikolari. L-EMSA (Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima) u l-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (MOU) huma mitluba jsaħħu t-taħriġ adatt tal-ispetturi, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet ta’ kontroll tal-MLC sakemm jasal iż-żmien li l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ.

1.5

Jaf ikun hemm oqsma fejn id-Direttiva tal-UE attwali 2009/16 u l-MLC (u l-linji gwida assoċjati tal-ILO dwar il-kontroll tal-Istat tal-port) ikunu differenti minn xulxin fl-ambitu jew fil-proċeduri. Il-KESE jemmen li se jkun hemm ħtieġa biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ kontroll u ta’ infurzar taħt iż-żewġ strumenti billi jitwessgħu s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea.

1.6

Konformità mar-rekwiżiti strutturali għall-akkomodazzjoni tal-baħħara, u l-infurzar tagħhom, b’mod speċjali f’setturi speċifiċi tal-industrija marittima, se joħolqu sfidi sinifikanti. Uffiċjali tal-Kontroll mill-Istat tal-Port għandhom jirrikonoxxu d-dispożizzjonijiet tal-Istat tal-bandiera fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet u sanzjonijiet ekwivalenti ta’ derogi u eżenzjonijiet, kif riflessi fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Konformità tax-Xogħol Marittimu.

1.7

Huwa meħtieġ ċertu livell ta’ flessibilità meta jsiru spezzjonijiet ta’ bastimenti iżgħar li qed jagħmlu vjaġġi lokali – meta mqabbla ma’ bastimenti kbar fuq vjaġġi internazzjonali – u se tkun meħtieġa gwida tul l-atti delegati proposti għall-valutazzjoni tan-nuqqasijiet sabiex jittieħdu azzjonijiet oħra.

1.8

Il-KESE jemmen li l-proċeduri proposti għall-uffiċjali tal-kontroll mill-Istat tal-Port għall-indirizzar tal-ilmenti relatati mal-MLC li ma jistgħux jiġu solvuti abbord għandhom jinkludu tieni fażi fejn l-ilmenti jiġu riferuti lil sid il-bastiment, sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa min-naħa tiegħu. Dan il-pass huwa konsistenti mal-proċedura tal-MLC.

1.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-infurzar lill-pajjiżi terzi tal-leġislazzjoni futura tal-UE fuq Stati li jipprovdu ħaddiema (LSS – Labour Supplying States) lil pajjiżi terzi jkun konsistenti mal-ispirtu u l-kriterji tal-MLC.

1.10

Id-definizzjoni wiesgħa ta’ “baħħar” tista’ tinkludi diversi membri tal-persunal abbord bastimenti li jistgħu jitqiesu bħala baħħara. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kjarifika tal-ILO u l-linji gwida assoċjati meta tkun qed tiġi implimentata u nfurzata l-MLC, u li jiġi rrispettat il-prerogattiv tal-Istati tal-bandiera li jieħdu deċiżjonijiet u jagħmlu għażliet dwar din il-kwistjoni.

1.11

Billi d-Direttiva proposta dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera mhijiex preċiża biżżejjed fir-rigward tal-possibbilità li l-amministrazzjoni tiddelega l-ħidmiet tat-twettiq ta’ spezzjonijiet jew tal-ħruġ ta’ ċertifikati lil organizzazzjonijiet rikonoxxuti, il-KESE jassumi li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz tal-atti ta’ traspożizzjoni tagħhom.

2.   Daħla

2.1

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC – Maritime Labour Convention) tal-2006, adottata mill-ILO (Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) fit-23 ta’ Frar 2006, għandha l-għan li tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs fl-industrija marittima dinjija billi jitwaqqfu standards minimi komuni għall-bnadar u l-baħħara kollha.

2.2

Il-Konvenzjoni, magħrufa bħala l-Karta tad-Drittijiet tal-Baħħara, tfasslet biex tintlaħaq ratifika kważi universali minħabba t-taħlita ta’ approċċ strett fir-rigward tad-drittijiet u flessibilità fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti iktar tekniċi, u minħabba l-vantaġġi mogħtija lill-bastimenti tal-pajjiżi li jirratifikawha. Hija r-raba’ pilastru tar-reġim regolatorju internazzjonali għal tbaħħir ta’ kwalità għolja, u tikkomplementa l-Konvenzjonijiet ewlenin tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali), jiġifieri l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) tal-1978, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (MARPOL) tal-1973/78. Tfittex li tiżgura ħarsien komprensiv dinji tad-drittijiet tal-baħħara u li tistabbilixxi sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-pajjiżi u s-sidien tal-bastimenti li huma impenjati biex jipprovdu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti għall-baħħara, u jipproteġuhom minn kompetizzjoni mhux ġusta minn bastimenti bi standard iktar baxx mill-minimu mistenni.

2.3

L-istandards minimi tal-MLC iridu jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha li jirratifikawha permezz ta’ standards jew rekwiżiti nazzjonali. Is-sistema ta’ infurzar u ta’ konformità tagħha tesiġi kooperazzjoni internazzjonali wiesgħa sabiex tkun effettiva. Billi diversi obbligi taħt il-Konvenzjoni huma indirizzati lejn is-sidien tal-bastimenti u l-Istati tal-bandiera, huwa importanti li dawk l-Istati b’interess marittimu qawwi jirratifikaw il-Konvenzjoni.

3.   Sommarju tal-proposti tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposti jenfasizzaw li l-Istati Membri u l-Kummissjoni appoġġjaw il-ħidma tal-ILO għall-adozzjoni tal-MLC. Id-Deċiżjoni 2007/431/KE (1) li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-UE, tat xhieda tal-interess qawwi tal-UE fid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni.

3.2

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-Ftehim konkluż mill-ECSA (Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea) u l-ETF (Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006, approvat permezz tad-Direttiva 2009/13/KE (2). Din id-Direttiva għamlet il-leġislazzjoni Ewropea konformi mal-istandards internazzjonali stabbiliti mill-MLC.

3.3

Il-proposti għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port (3) u għal Direttiva dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera għall-infurzar tad-Direttiva 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (4) għandhom l-għan li jippromovu l-politika tal-UE dwar il-professjonijiet marittimi permezz tal-implimentazzjoni tal-MLC 2006. L-inizjattivi attwali għandhom l-għan li jistabbilixxu l-mekkaniżmu u l-proċeduri neċessarji sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-MLC mill-Istati Membri li jaġixxu kemm bħala stati tal-bandiera kif ukoll dawk li għandhom kontroll fuq il-port. Iż-żewġ Direttivi se jidħlu fis-seħħ fl-istess data tad-dħul fis-seħħ tal-MLC 2006, b’perjodu ta’ transpożizzjoni ta’ 12-il xahar.

3.4

Il-proposti biex tiġi emendata d-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port (2009/16/KE):

jinkludu ċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tax-xogħol marittimu fost id-dokumenti li għandhom jiġu vverifikati mill-ispetturi;

jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjonijiet għal elementi ġodda (pereżempju, l-eżistenza ta’ kuntratt tax-xogħol adegwat li jkun iffirmat miż-żewġ partijiet għal kull baħħar flimkien mal-klawżoli meħtieġa fil-kuntratt);

jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni fil-każ ta’ lmenti u tipprovdi għal proċedura xierqa; u

jintroduċu r-regoli l-ġodda dwar is-setgħat ta’ implimentazzjoni u dawk delegati wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

3.5

Id-Direttiva ġdida proposta dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istat tal-bandiera:

tistipola l-obbligu li l-Istati tal-bandiera tal-UE jistabbilixxu mekkaniżmi sabiex jirrispettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom biex jinfurzaw id-Direttiva 2009/13/KE;

tistipola l-kwalifiki professjonali u l-indipendenza tal-persunal inkarigat mill-verifika tas-suġġetti koperti mid-Direttiva 2009/13/KE, u

tistabbilixxi l-prinċipji u l-proċedura li għandhom jiġu segwiti mill-persunal kompetenti tal-Istati tal-bandiera meta jindirizzaw l-ilmenti abbord il-bastimenti bil-bandiera tal-UE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jaqbel mal-politika ġenerali li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol trid tkun kompletament konformi mal-leġislazzjoni internazzjonali, bħall-MLC u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW), mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe standard ta’ livell ogħla li jeżisti fl-UE.

4.2

Il-KESE jinnota li l-MLC 2006 għadha mhijiex vinkolanti taħt il-liġi internazzjonali u tistrieħ fuq l-implimentazzjoni mill-Istati permezz tal-liġijiet nazzjonali tagħhom. Il-linji gwida tal-ILO għal spezzjonijiet tal-Istat tal-bandiera u tal-Istat tal-port jenfasizzaw li fil-każi kollha, il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali rilevanti kollha jew il-ftehimiet ta’ negozjar kollettiv jew kwalunkwe miżura oħra li timplimenta l-MLC fl-Istat tal-bandiera għandhom jitqiesu bħala d-dikjarazzjoni awtorevoli tar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera. Barra minn hekk, ifakkru fil-flessibilità fl-implimentazzjoni tal-MLC, l-iżjed permezz ta’ ekwivalenza nazzjonali sostanzjali u d-diskrezzjoni li jingħataw l-Istati tal-bandiera rigward il-miżuri tal-implimentazzjoni preċiżi tagħhom. Għaldaqstant, se jkun hemm ħtieġa għal interpretazzjoni u infurzar komuni tal-MLC mill-Istati Membri tal-UE u l-Pajjiżi li mhumiex fl-UE.

4.3

Il-KESE jirrikonoxxi li l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/13/KE li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-ECSA (European Community Shipowners’ Associations) u l-ETF (European Transport Workers’ Federation) dwar l-MLC 2006 tikkostitwixxi suċċess kbir tad-djalogu soċjali settorjali li għandu jiġi affettwat minn riżultati tanġibbli. L-ikbar sfida għandha tkun l-eliminazzjoni tal-kawżi ta’ għejja fost il-baħħara billi jiġu kkontrollati s-sigħat ta’ xogħol u ta’ mistrieħ.

4.4

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar l-Opinjonijiet tiegħu:

dwar it-“Tielet Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima” (5) fejn appoġġja sforzi biex jiġi identifikat l-aħjar mod kif tista’ tiġi trasposta l-MLC fil-liġi tal-UE. Ħeġġeġ lill-UE biex tati spinta qawwija lill-isforzi ta’ ratifika tal-MLC billi tippromovi r-ratifika mill-pajjiżi taż-ŻEE u l-pajjiżi terzi li magħhom jeżistu ftehimiet ta’ kooperazzjoni ekonomika;

dwar il-“Politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018” (6) fejn ħeġġeġ “lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 li toħloq kundizzjonijiet ugwali fil-livell globali fir-rigward tal-bastimenti u tikkontribwixxi biex tiġbed liż-żgħażagħ lejn karrieri tal-baħar”;

dwar it-“Tisħiħ tal-Istandards tax-Xogħol Marittimu” (7) fejn ħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jirratifikaw l-MLC kemm jista’ jkun malajr u rrakkomanda l-iżvilupp ta’ linji gwida operattivi għall-Istati tal-bandiera u tal-port.

4.5

Il-KESE jenfasizza wkoll l-Opinjoni tiegħu dwar “White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” (8) fejn innota li “l-Istati Membri tal-UE jitħeġġu jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), sabiex ikun hemm sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs fil-kamp internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-istandards ogħla li jistgħu jeżistu fl-UE. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-leġislazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-MLC u l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).”

4.6

Il-proposti jilħqu l-aspettattivi tal-partijiet interessati fir-rigward tal-infurzar tas-sigurtà marittima, it-titjib tal-kwalità tat-tbaħħir u t-twaqqif ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni iktar ġusti bejn l-operaturi tal-UE u dawk barra mill-UE u bnadar tal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-prinċipju tal-infurzar tal-MLC billi tissaħħaħ il-leġislazzjoni tal-UE. L-azzjoni tal-UE se tgħin l-għanijiet tat-Task Force dwar l-Impjiegi u l-Kompetittività Marittima stabbilit mill-Viċi President Kallas li rrakkomanda l-infurzar tal-MLC (Ġunju 2011).

5.   Kummenti speċifiċi

Emendi għad-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port

5.1

Il-KESE jemmen li l-ambitu tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għandhom it-tnejn jitwessgħu biex jiddeterminaw fid-dettall il-modalitajiet armonizzati meta jiġu implimentati l-proċedura ta’ kontroll tal-Istat tal-port għall-ispezzjoni ta’ bastimenti skont il-kundizzjonijiet tal-MLC, filwaqt li jitqiesu l-Linji Gwida tal-ILO rilevanti, u bi proċedura semplifikata fl-ambitu u l-proċeduri tad-Direttiva 2009/16.

5.2

L-opinjoni tal-KESE dwar it-Tielet Pakkett dwar is-Sigurtà Marittima (9) tilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord il-bastimenti, billi l-fattur uman ta’ sikwit jaqdi rwol importanti f’inċidenti marittimi. L-ispezzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħar abbord tesiġi ammont suffiċjenti ta’ spetturi b’ħiliet imsaħħa f’dan il-qasam. Għaldaqstant, taħriġ adatt tal-ispetturi se jkun neċessarju sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kontrolli tal-MLC sakemm tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni. Il-KESE jsejjaħ lill-EMSA u l-MOU ta’ Pariġi biex isaħħu t-taħriġ tal-ispetturi għall-finijiet tal-MLC.

5.3

Il-KESE jinnota li taħt l-Artikolu 13(c) tad-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll mill-Istat tal-port jgħid li ma’ kull spezzjoni inizjali ta’ bastiment, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ispettur ikun sodisfatt dwar il-kundizzjoni ġenerali tal-bastiment, inkluż l-iġjene tal-bastiment, inklużi l-kamra tal-magna u l-akkomodazzjoni. Madankollu, skont il-Linji Gwida tal-ILO għall-Uffiċjali tal-Kontroll tal-Istat tal-Port li jagħmlu spezzjonijiet taħt l-MLP 2006, l-ispezzjoni inizjali, u ta’ spiss l-unika waħda, tkun ikkonċernata l-iżjed fir-reviżjoni taċ-Ċertifikat tax-Xogħol Marittimu u d-Dikjarazzjoni ta’ Konformità tax-Xogħol Marittimu. Dawn id-dokumenti jikkostitwixxu evidenza prima facie li ntlaħqu r-rekwiżiti ta’ din il-Konvenzjoni relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-baħħara sal-estent li ġew ċertifikati. Madankollu, jaf ikun hemm ċirkostanzi fejn tista’ titwettaq spezzjoni aktar dettaljata sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord il-bastiment. Jaf ikun hemm oqsma oħrajn fejn id-Direttiva tal-UE attwali 2009/16 u l-MLC u l-linji gwida assoċjati tal-ILO ikunu differenti minn xulxin fl-ambitu jew fil-proċeduri. Għaldaqstant, ser ikun hemm il-ħtieġa li jiġu semplifikati l-proċeduri ta’ kontroll u ta’ nfurzar taħt iż-żewġ strumenti billi jitwessgħu s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-modalitajiet armonizzati adatti.

5.4

Il-konformità u l-infurzar tar-rekwiżiti strutturali għall-akkomodazzjoni tal-baħħara, b’mod speċjali f’setturi speċifiċi tal-industrija marittima, bħal jottijiet kummerċjali kbar jew bastimenti iżgħar, se joħolqu sfidi sinifikanti. Il-KESE jinnota li l-MLC tippermetti, fejn xieraq, lill-Istati tal-bandiera jintroduċu permezz ta’ dispożizzjonijiet fil-liġijiet u r-regolamenti tagħhom jew miżuri oħra li huma sostanzjalment ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet u tissanzjona derogi, eżenzjonijiet jew applikazzjoni flessibbli oħra tal-istandards tal-Konvenzjoni, f’konsultazzjoni mas-sidien tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara. Għaldaqstant, il-KESE jistenna li l-uffiċjali ta’ kontroll tal-Istat tal-port isejsu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet tal-Istat tal-bandiera, kif riflessi fid-Dikjarazzjonijiet ta’ Konformità tax-Xogħol Marittimu.

5.5

L-MLC jirrikonoxxi li l-Membri tal-ILO jridu iżjed flessibilità biex jindirizzaw kundizzjonijiet nazzjonali partikolari, b’mod speċjali fir-rigward ta’ bastimenti iżgħar u bastimenti li ma jagħmlux vjaġġi internazzjonali jew tipi speċifiċi ta’ bastimenti. Għaldaqstant, spezzjonijiet regolari għal bastimenti iżgħar involuti fi vjaġġi lokali m’għandhomx għalfejn ikunu l-istess bħal dawk għal bastimenti ikbar li jagħmlu vjaġġi internazzjonali. Barra minn hekk, il-KESE jipprevedi li l-kontroll tal-Istat tal-port se jiffaċċja kwistjonijiet operattivi importanti fir-rigward ta’ spezzjonijiet iktar iddettaljati u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet għal azzjonijiet ulterjuri. Il-Kumitat jaħseb li kwistjonijiet bħal dawn għandhom jiġu indirizzati b’kawtela u jiġu solvuti b’mod raġonevoli permezz tal-atti delegati proposti li għandhom iqisu l-liġijiet nazzjonali fis-seħħ li jimplimentaw l-MLC.

5.6

L-Artikolu 18a ġdid propost “Ilmenti relatati mal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu” jistipola fl-ewwel paragrafu li meta lment ma jkunx ġie solvut abbord il-bastiment, l-uffiċjal ta’ kontroll mill-Istat tal-port għandu jirriferi l-kwistjoni lill-Istat tal-bandiera biex jieħu l-azzjonijiet adatti. Il-KESE jemmen li l-proċeduri proposti għandhom jinkludu tieni fażi fejn l-ilmenti jiġu riferuti lis-sid tal-bastiment biex jieħu azzjoni adatta. Dan il-pass huwa konsistenti mal-proċeduri tal-MLC.

Dwar id-Direttiva l-ġdida dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera

5.7

Il-proċess ta’ ratifika/implimentazzjoni tal-MLC 2006 diġà huwa fi stadju avvanzat f’diversi Stati Membri tal-UE, jew diġà ġie komplut. Se toħloq kwistjonijiet operattivi importanti l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tagħha dwar ir-reklutaġġ u l-pjazzament u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali għall-baħħara li huma residenti, domiċiljati jew ta’ nazzjonalità ta’ Stat li jipprovdi l-ħaddiema. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni b’mod urġenti u tiżgura li l-infurzar fil-pajjiżi terzi tal-leġislazzjoni futura tal-UE rigward Stati li jipprovdu ħaddiema (LSS – Labour Supplying States) ikun konsistenti mal-ispirtu u l-kriterji tal-MLC.

5.8

L-Istati tal-bandiera jinkoraġġixxu lis-sidien tal-bastimenti biex jistabbilixxu miżuri sabiex jiżguraw konformità. L-Artikolu II tal-MLC jiddifenixxi “baħħar” bħala “kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem f’kwalunkwe grad fuq vapur li għalih japplika dan il-Ftehim”. Taħt din id-definizzjoni wiesgħa, il-persunal ta’ min jikri l-bastiment, bħal ġeoloġi u bugħaddasa abbord bastimenti qed joperaw fl-industrija offshore, jew membri tal-persunal mhux impjegati direttament mis-sidien tal-bastimenti, jew gwardji tas-sigurtà abbord il-bastimenti li huma taħt ftehim kuntrattwali sabiex iwaqqfu l-piraterija, jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala baħħara. L-ILO tirrikonoxxi li jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn Membru jkollu dubji dwar jekk ċerti kategoriji ta’ persuni li jqattgħu perjodi ta’ żmien jaħdmu abbord bastimenti għandhomx jiġu kkunsidrati baħħara jew le, għall-finijiet tal-Konvenzjoni, tikkjarifika permezz tar-Riżoluzzjoni VII tal-94 Sessjoni (Marittima) tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol. F’kull każ, b’konformità mal-Artikolu II(3), jekk ikun hemm dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi rikonoxxuta bħala baħħara jew le, għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-awtorità kompetenti f’kull Membru wara konsultazzjoni mas-sidien tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-baħħara kkonċernati. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu r-Riżoluzzjonijiet u l-linji gwida assoċjati tal-ILO meta jimplimentaw u jinforzaw l-MLC u li dan il-prinċipju għandu jiġi rispettat b’mod strett.

5.9

Fir-rigward tal-Artikolu 4 “Persunal inkarigat mill-monitoraġġ tal-konformità” l-KESE jinnota li l-Linji Gwida tal-ILO għall-Uffiċjali tal-Kontroll mill-Istat tal-Port li jagħmlu spezzjonijiet taħt l-MLP 2006 ġew żviluppati sabiex jgħinu lill-amministrazzjonijiet tal-portijiet tal-Istat jimplimentaw b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt l-MLC. F’ħafna każi, l-ispezzjonijiet se jinvolvu lill-persunal li huma diġà kkwalifikati taħt l-arranġamenti internazzjonali attwali ta’ kontroll mill-Istat tal-portijiet, żviluppati b’rabta mal-konvenzjonijiet tal-IMO u taħt l-MOU reġjonali dwar il-kontroll mill-Istat tal-portijiet. Fil-fatt, dan huwa l-każ għal pajjiżi tal-UE li joperaw taħt l-MOU ta’ Pariġi u d-Direttiva 2009/16/KE.

5.10

Aspett importanti tal-infurzar tal-MLC se jkun il-ħruġ mill-amministrazzjonijiet tal-Istat tal-bandiera ta’ Ċertifikati tax-Xogħol Marittimu u Dikjarazzjonijiet ta’ Konformità tax-Xogħol Marittimu. Taħt ir-Regolament 5.1.1 tal-Konvenzjoni, Membri jistgħu jawtorizzaw organizzazzjonijiet, bħas-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni, biex iwettqu spezzjonijiet jew joħorġu ċertifikati jew jagħmluhom it-tnejn. Dan il-prinċipju huwa rikonoxxut mil-liġi tal-UE, l-iżjed parzjalment mid-Direttiva 2009/15/KE dwar “L-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti tal-amministrazzjoniet marittimi” u parzjalment mid-Direttiva 2009/21/KE dwar “Konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera”. Billi d-Direttiva proposta mhijiex preċiża biżżejjed fir-rigward tal-possibilità tal-amministrazzjoni li l-ħidmiet jiġu ddelegati lil organizzazzjonijiet rikonoxxuti, il-KESE jassumi li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan permezz tal-atti ta’ traspożizzjoni tagħhom.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 161, 22.6.2007, p. 63-64.

(2)  ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30-50.

(3)  COM(2012) 129 final.

(4)  COM(2012) 134 final.

(5)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195-201 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103-109.

(7)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 33 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146.

(9)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195-201 (Mhux disponibbli bil-Malti).


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/158


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti”

COM(2012) 118 final — 2012/0012 (COD)

2012/C 299/29

Relatur: is-Sur SIECKER

Nhar l-10 ta’ April 2012 u nhar id-19 ta’ April 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti

COM (2012) 118 final – 2012/0012 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’122 vot favur, 31 vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Iż-żarmar tal-bastimenti qed isir b’mod irresponsabbli. Il-biċċa l-kbira jiġu żarmati bil-metodu fejn il-bastimenti jittellgħu fuq ix-xtut (beaching) fl-Indja, il-Bangladexx u l-Pakistan. Imbagħad jiġu żarmati minn persunal mhux kwalifikat, fosthom ħafna tfal, mingħajr għodod tajbin u mingħajr l-ebda protezzjoni mill-ħafna sustanzi perikolużi li jiġu rilaxxati.

1.2

Il-bastimenti dekummissjonati huma kkunsidrati bħala skart perikoluż u jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Basilea li tirregola t-trasport tal-iskart perikoluż. Peress li r-regoli ta’ din il-Konvenzjoni ilhom snin jiġu evitati b’mod sistematiku u fuq skala kbira, fl-2009 l-IMO adottat il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong għal Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent. L-UE u l-Istati Membri tagħha kkonkludew li ż-żewġ Konvenzjonijiet dehru li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ kontroll u infurzar għall-bastimenti kklassifikati bħala skart. L-Istati Afrikani kollha u għadd ta’ Stati tal-Amerika Latina ma qablux ma’ din il-konklużjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong hija mistennija tidħol fis-seħħ madwar is-sena 2020 jekk tiġi ratifikata minn biżżejjed pajjiżi.

1.3

L-Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà kbira f’din il-kwistjoni peress li l-parti kbira tal-flotta dinjija hija proprjetà ta’ sidien mill-Istati Membri Ewropej. Il-Kummissjoni ilha s-snin tinkwieta dwar l-iżviluppi f’dan is-settur. Għalhekk, xi snin ilu ddeċidiet li tindirizza l-problema. Fl-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper dwar dan is-suġġett, imbagħad Dokument ta’ Strateġija, u issa ħarġet Proposta għal Regolament. Ir-Regolament propost mill-UE jipprevedi l-applikazzjoni antiċipata ta’ għadd ta’ rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong.

1.4

Il-Proposta għal Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti tidher ftit li xejn differenti mill-Green Paper u d-Dokument ta’ Strateġija dwar l-istess suġġett li ġew ippubblikati qabel. F’dawn iż-żewġ dokumenti saret analiżi rigoruża tal-problemi relatati mar-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Bangladexx, l-Indja u l-Pakistan li wasslet għall-konvinzjoni li kien hemm bżonn li jittieħdu miżuri sodi biex tinbidel is-sitwazzjoni intollerabbli f’dawn il-pajjiżi. Madankollu, il-miżuri previsti fil-Proposta għal Regolament fil-fatt ma jsolvux il-problemi. Il-KESE jista’ biss jikkonkludi li r-rieda politika meħtieġa għas-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi ma teżistix.

1.5

Pereżempju, ħaġa nieqsa mill-Proposta hija strument ekonomiku li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ tinfluwenza s-sitwazzjoni b’mod favorevoli. Fid-dokument preċedenti kien issemma tali strument. Il-Kummissjoni għamlet stħarriġ dwar il-possibbiltajiet ta’ fond li fih jiġi depożitat ammont minn kull bastiment li jidħol f’port Ewropew. L-ammont jista’ jiġi determinat skont it-taħlita ta’ tunnellaġġ u tossiċità. Barra minn hekk, l-użu ta’ tali fond huwa konformi mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Dawn il-flus ikunu jistgħu jintużaw biex jittejbu ċ-ċirkostanzi fix-Xlokk tal-Asja billi: il-ħaddiema jitħarrġu fil-metodi ta’ xogħol sikuri u sani, in-nies tal-post jiġu sensibilizzati dwar il-perikli taż-żarmar irresponsabbli tal-bastimenti l-kbar u l-infrastruttura pubblika lokali tittejjeb.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-possibbiltà li dan il-fond jintuża biex tiġi żviluppata kapaċità għaż-żarmar u biex tiġi stabbilita industrija tar-riċiklaġġ fl-Ewropa. Fl-Ewropa hemm biżżejjed tarzni li ma jintużawx jew bilkemm jintużaw għall-bini u t-tiswija tal-bastimenti, iżda li huma adatti għaż-żarmar u r-riċiklaġġ tal-bastimenti. Din l-idea tikkonforma sew mal-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa f’soċjetà ta’ riċiklaġġ sostenibbli, f’ambjent fejn l-iskart jiġi trasformat prinċipalment f’materja prima bis-saħħa ta’ sistema ta’ riċiklaġġ elaborata u ppjanata sew. Dan jista’ jwassal għal dħul ekonomiku kbir minn materjal prezzjuż li fil-biċċa l-kbira jista’ jissodisfa d-domanda għall-materja prima u joħloq l-impjiegi. Fid-dawl tal-prezzijiet li dejjem qed jiżdiedu tal-materja prima u r-rata ta’ qgħad li dejjem qed tiżdied f’għadd ta’ Stati Membri Ewropej dan jista’ jwassal għal qligħ kbir għall-Ewropa. Barra minn hekk, industrija li tispeċjalizza fiż-żarmar tal-bastimenti fl-aħħar taċ-ċiklu tagħhom tfisser opportunità għall-iżvilupp taż-żoni marittimi, it-taħriġ taż-żagħżagħ f’tipi ta’ xogħol ġodda u l-persuni qiegħda.

1.7

Jekk l-Ewropa tixtieq li l-bastimenti tagħha jiġu żarmati b’mod responsabbli, tkun ħaġa raġonevoli li tħallas parti għall-bini tal-kapaċità meħtieġa biex dan isir b’kundizzjonijiet korretti. Fl-ekonomija tas-suq m’hemm xejn b’xejn, kollox għandu prezz li jrid jitħallas. Għaż-żarmar responsabbli tal-bastimenti, il-prezz jitħallas bil-flus. Għaż-żarmar irresponsabbli, parti mill-prezz jitħallas mod ieħor, bħat-tniġġis tal-ambjent lokali u t-telf ta’ ħajja. Billi fl-UE ma nixtiqux naċċettaw dawn il-valuri bħala ħlas legali, lanqas ma nistgħu naċċettaw li jintużaw bħala ħlas lil pajjiżi barra l-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tagħmel iktar pressjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni setgħet ressqet proposta aħjar, iktar kreattiva, ambizzjuża u b’iktar inizjattivi, li tikkonforma iżjed mal-livell ta’ ambizzjoni tad-dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni u l-Opinjonijiet tal-Kumitat.

1.8

Sabiex jiġi awtorizzat ir-riċiklaġġ ta’ bastimenti fil-faċilitajiet sitwati fil-pajjiżi barra l-OECD, sakemm jilħqu r-rekwiżiti għall-inklużjoni fuq il-lista Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament ikun ibbażat b’mod partikolari fuq il-linji gwida eżistenti tal-organizzazzjonijiet (1) internazzjonali rilevanti, kif ukoll fuq il-Konvenzjoni ta’ Basilea stess u l-linji gwida tekniċi tagħha.

2.   Daħla

2.1

Fi tmiem is-snin tmenin tas-seklu li għadda kien hemm kundanna internazzjonali dwar it-trasferiment tal-iskart industrijali tossiku lejn il-pajjiżi li kienu qed jiżviluppaw. Fil-paġni tal-gazzetti dehru rapporti li wrew li iktar minn 8 000 tank ta’ skart intremew f’Koko Beach fin-Niġerja u bastimenti bħal Karin B kienu jmorru minn spjaġġa għal oħra biex jeħilsu mit-tagħbija perikoluża tagħhom, u dawn ir-rapporti wasslu għal regolamentazzjoni internazzjonali iktar stretta. Imbagħad, fl-1989, in-Nazzjonijiet Uniti approvat il-Konvenzjoni ta’ Basilea bħala l-qafas għar-regolazzjoni tat-trasport internazzjonali tal-iskart perikoluż.

2.2

Il-Konvenzjoni ta’ Basilea tipprevedi sistema dinjija ta’ avviż bil-miktub minn qabel u l-permess għat-trasferiment tal-iskart bejn il-pajjiżi. Fl-1995 ġiet adottata emenda li introduċiet il-projbizzjoni tat-trasport tal-iskart perikoluż mill-pajjiżi tal-UE u l-OECD lejn pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD. L-UE ttrasponiet il-Konvenzjoni ta’ Basilea u l-emenda dwar il-projbizzjoni tat-trasport fil-leġislazzjoni Komunitarja (2).

2.3

Għad li l-leġislazzjoni dwar it-trasportazzjoni tal-iskart tapplika b’mod ugwali għall-bastimenti u, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, il-bastimenti għal ċertu żmien jistgħu jitqiesu bħala skart, skont regoli internazzjonali oħrajn dawn għadhom jitqiesu bħala bastimenti. Billi kważi kull bastiment ikollu kwantità kbira ta’ materjali perikolużi bħaż-żejt, it-tajn biż-żejt, l-asbestos, il-fibra tal-ħġieġ, il-Bifenili Polyklorinati (PCB), it-TBT u l-metalli tqal, fosthom fiż-żebgħa, meta jiġu biex jiżżarmaw għandhom jitqiesu bħala skart perikoluż. Għalhekk, jekk esportati mill-pajjiżi tal-OECD, tali bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE li jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta’ Basilea jistgħu jiżżarmaw biss fil-pajjiżi tal-OECD.

2.4

Madankollu, peress li l-bastimenti li jtajru bandiera tal-UE qed iduru mal-liġi b’mod sistematiku, ir-regoli internazzjonali u tal-UE mhumiex qed jilħqu l-għan tagħhom. Sabiex din is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea talbu lill-IMO tistabbilixxi dispożizzjonijiet vinkolanti fir-rigward tar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Fl-2006, l-IMO ħarġet abbozz ta’ konvenzjoni li fl-2009 ġie stabbilit bħala l-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong għar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent ta’ Bastimenti. Sabiex tidħol fis-seħħ u tibda tħalli l-effetti, jeħtieġ li tkun irratifikata minn għadd suffiċjenti ta’ Stati, kemm Stati tal-bandiera kbar kif ukoll Stati ta’ riċiklaġġ.

2.5

Fl-2006, il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea laqgħu lil din il-Konvenzjoni tal-IMO u bdew valutazzjoni dwar jekk il-livell ta’ kontroll u infurzar tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong huwiex tal-istess livell tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha lestew il-valutazzjoni tagħhom fl-2010 u kkonkludew li ż-żewġ konvenzjonijiet għall-bastimenti li huma klassifikati bħala skart jidhru li għandhom l-istess livell ta’ kontroll u applikazzjoni effettiva. F’Ottubru 2011, il-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Basilea appellaw għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ. Huwa mistenni li dan iseħħ l-iktar kmieni fl-2020. Meta l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ, il-pajjiżi li jkunu firmatarji jkunu jistgħu jħallu lill-bastimenti kummerċjali l-kbar tagħhom jiġu żarmati biss fil-pajjiżi li jkunu Partijiet għall-Konvenzjoni.

2.6

Il-prattiki li ma jirrispettawx l-ambjent u li mhumiex sikuri għaż-żarmar għadhom qed jinkwetaw lill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk hija ser issegwi l-iżviluppi mill-qrib. Fl-2007, il-Kummissjoni ppubblikat (3) Green Paper dwar iż-żarmar aħjar għall-bastimenti u fl-2008, ħarġet Komunikazzjoni fejn ipproponiet (4) Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti. Il-KESE ta r-reazzjoni tiegħu f’Opinjonijiet preċedenti (5) u b’din l-Opinjoni l-KESE qed jagħti r-reazzjoni tiegħu għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti (6).

3.   Sfond

3.1

Iż-żarmar tal-bastimenti jiġi determinat mill-fatturi tas-suq. L-ispejjeż għaż-żamma ta’ flotta li teqdiem, it-tariffi tat-trasport u l-prezz tal-iskart jiddeterminaw meta bastiment jiġi żarmat. L-għażla tal-post taż-żarmar issir skont il-prezz li l-persuna taż-żarmar toffri għall-bastiment li se jiġi żarmat. Dan il-prezz jiġi determinat mid-domanda għall-azzar riċiklat fir-reġjun u l-ispejjeż tal-infrastruttura għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ambjent. Minħabba l-influwenza ta’ dawn il-fatturi, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti l-kbar tul is-snin tmexxa lejn ix-Xlokk tal-Asja.

3.2

Mill-bastimenti kollha dekummissjonati li ġew żarmati mill-2004 ’l hawn, mill-inqas 80 % ġew żarmati fl-Indja, il-Pakistan u l-Bangladexx bil-metodu fejn il-bastiment jittella’ fuq ix-xatt (beaching). Il-bastimenti jittellgħu fuq xatt bir-ramel u mbagħad jiġu żarmati mingħajr l-użu ta’ magni tqal. Hemm nuqqas ta’ faċilitajiet għall-ipproċessar responsabbli tal-iskart imniġġes u tossiku ħafna. Il-gvernijiet tal-pajjiżi fix-Xlokk tal-Asja ma jindirizzawx dawn il-prattiki għax huma tal-fehma li r-riċiklaġġ tal-bastimenti huwa attività ekonomika importanti li għandha tiġi mxekkla mill-inqas possibbli. Barra minn hekk, ir-riċiklaġġ joħloq ħafna impjiegi, iżda l-konsegwenzi soċjali u ekoloġiċi huma diżastrużi.

3.3

Il-bastimenti l-kbar li jintbagħtu l-Asja għaż-żarmar jikkostitwixxu waħda mill-ikbar ġabriet ta’ skart perikoluż mill-industrija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan l-iskart huwa magħmul minn materjal bħall-asbestos, iż-żejt u t-tajn biż-żejt, il-Bifenili Polyklorinati (PCB) u l-metalli tqal. Fl-2004, fi studju li sar mill-Kummissjoni (DĠ TREN) id-daqs ġie stmat bejn 1 000 u 3 000 tunnellata asbestos, bejn 170 u 540 tunnellata PCB, bejn 6 000 u 20 000 tunnellata żebgħa tossika u bejn 400 000 u 1,3 miljun tunnellata tajn biż-żejt fis-sena sal-2015. Hija ħaġa rari li l-impatt fuq l-ambjent jiġi investigat bir-reqqa imma l-informazzjoni disponibbli turi li dan għandu konsegwenzi radikali fuq l-ilma tal-baħar, qiegħ il-baħar u s-sediment. It-tniġġis tal-baħar miż-żarmar fl-Indja u l-Bangladexx huwa viżibbli sew fir-ritratti li jittieħdu mill-ajru. Barra minn hekk, skont l-NGOs, f’dawn ir-reġjuni m’hemmx iktar ħaxix u ħut.

3.4

Il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fil-faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti fix-Xlokk tal-Asja huma f’sitwazzjoni kritika. Minħabba nuqqas ta’ magni tqal u tagħmir ta’ sigurtà għall-ħaddiema hemm riskju kbir ta’ aċċidenti. Skont rapport tal-gvern Indjan, bejn l-1996 u l-2003 fil-postijiet taż-żarmar f’Alang ġraw 434 aċċident li fihom mietu 209 ħaddiema. Skont rapporti mill-Pakistan, f’dan il-pajjiż, bejn l-1986 u l-2006 mietu iktar minn 400 ħaddiem u 6 000 ġarrbu feriti serji. Barra minn hekk, ġie stmat li eluf ta’ ħaddiema għandhom mard li ma jitfejjaqx minħabba li xammew u kellhom kuntatt mal-materjali velenużi mingħajr l-ebda miżura ta’ prevenzjoni jew protezzjoni. Il-maġġoranza tal-ħaddiema jiġu mill-ifqar reġjuni, ma marrux skola, jaħdmu mingħajr kuntratt tax-xogħol u mingħajr assigurazzjoni tal-mard jew tal-aċċidenti u ma jistgħux jingħaqdu f’union. Minn riċerka li saret fl-Indja jidher ukoll li l-perċentwal ta’ ħaddiema tfal huwa wieħed għoli. Kwart mill-ħaddiema għadhom taħt it-tmintax-il sena, 10 % saħansitra għandhom inqas minn 12-il sena.

4.   Il-kontenut essenzjali tar-Regolament

4.1

L-għan tar-Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti huwa li jiġu limitati b’mod konsiderevoli l-konsegwenzi soċjali u ekoloġiċi negattivi mir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE fix-Xlokk tal-Asja, mingħajr ma jinħoloq piż ekonomiku inutli. Ir-Regolament jipprevedi l-applikazzjoni minn qabel ta’ bosta rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u b’hekk iħaffef id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fil-livell dinji.

4.2

Il-kundizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong li ġejjin ser jiġu implimentati qabel:

4.2.1

Il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE għandu jkollhom inventarju ta’ materjali perikolużi abbord u jaġġornawh matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Il-bastimenti l-ġodda jridu jagħmlu din il-lista minnufih, filwaqt li l-bastimenti eżistenti għandhom ħames snin biex jagħmlu dan. L-inventarju jrid jiġi aġġornat qabel ma l-bastiment jintbagħat għaż-żarmar sabiex il-faċilità ta’ riċiklaġġ rikonoxxuta tkun tista’ tieħu ħsieb kull materjal u skart perikoluż abbord.

4.2.2

Fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong saret lista ta’ rekwiżiti li l-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ iridu jirrispettaw, b’kundizzjonijiet addizzjonali għall-protezzjoni aħjar tal-ambjent u tas-saħħa pubblika. Il-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti jistgħu jiddaħħlu f’lista Ewropea ta’ faċilitajiet tar-riċiklaġġ. Il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE jistgħu jiġu riċiklati biss fil-faċilitajiet li jkunu ddaħħlu f’din il-lista.

4.2.3

Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE jridu jnaqqsu għall-minimu l-volum ta’ materjali perikolużi abbord għat-twassil sal-faċilità ta’ riċiklaġġ. Fil-każ tat-tankers, is-sidien iridu jieħdu ħsieb li l-bastimenti li jaslu fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ ikunu jistgħu jiġu ċertifikati “Siguri għad-dħul” u “Siguri għax-xogħol bis-sħana” biex jiġu evitati splużjonijiet u aċċidenti (fatali) fuq il-post tax-xogħol fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ.

4.3

Għall-kuntrarju tal-leġislazzjoni eżistenti, ir-Regolament propost huwa bbażat fuq is-sistema ta’ monitoraġġ u infurzar tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong li twaqqfet speċifikament għall-bastimenti ta’ trasportazzjoni internazzjonali. Dan għandu jikkontribwixxi biex il-leġislazzjoni tal-Unjoni tiġi rispettata iktar. Il-problema l-kbira bil-leġislazzjoni eżistenti hija li diffiċli jiġi determinat meta bastiment isir skart. Fis-sistema l-ġdida l-Istati Membri jiġu informati fil-ħin dwar id-data prevista għall-bidu tar-riċiklaġġ ta’ bastiment u dwar it-tlestija. Permezz tat-tqabbil bejn il-lista ta’ bastimenti li jkollhom ċertifikat tal-inventarju u l-lista ta’ bastimenti riċiklati f’faċilitajiet rikonoxxuti jsir iktar faċli li jiġi identifikat ir-riċiklaġġ illegali.

4.4

Barra mill-fatturi ekonomiċi anke l-problema tal-kapaċità fl-Ewropa tirrappreżenta problema għar-riċiklaġġ responsabbli. Hemm eżatt biżżejjed kapaċità għar-riċiklaġġ tal-flotta tal-armata u bastimenti oħra nazzjonali tal-Istati Membri Ewropej. L-awtorizzazzjoni għal bastimenti biex jiġu riċiklati barra l-pajjiżi tal-OECD li jilħqu l-kundizzjonijiet u li jkunu fuq il-lista Ewropea ġġib magħha wkoll il-problema tal-kapaċità legali limitata għar-riċiklaġġ li għaliha jkollhom aċċess is-sidien tal-bastimenti. Dan huwa iktar u iktar importanti peress li fl-għaxar snin li ġejjin huwa mistenni li r-riċiklaġġ tal-bastimenti jilħaq il-quċċata tiegħu.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Iż-żarmar tal-bastimenti qed isir b’mod irresponsabbli. Il-biċċa l-kbira jiġu żarmati bil-metodu fejn il-bastimenti jittellgħu fuq ix-xtut (beaching) fl-Indja, il-Bangladexx u l-Pakistan. Imbagħad jiġu żarmati minn persunal mhux kwalifikat, fosthom ħafna tfal, mingħajr għodod tajbin u mingħajr l-ebda protezzjoni mill-ħafna sustanzi perikolużi li jiġu rilaxxati. Il-ħaddiema jiġu sfruttati mingħajr ma jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom għax fil-biċċa l-kbira l-unions mhumiex komuni fil-Bangladexx u l-Pakistan. Il-gvernijiet m’huma qed jagħmlu xejn kontra dan l-abbuż. Dawn huma attivitajiet ekonomiċi importanti għal dawn il-pajjiżi, li huma magħrufa l-iktar għall-amministrazzjoni dgħajfa u korrotta, u, l-iktar f’dan is-settur, għall-intrapriżi b’saħħithom u bi ftit skrupli.

5.2

Il-benefiċċju ekonomiku ta’ din l-attività ma jinsabx biss fil-ħolqien tal-impjiegi iżda l-iktar fil-provvista tal-materja prima. Dawn il-pajjiżi jissodisfaw l-ikbar parti tad-domanda tagħhom għall-azzar permezz tar-riċiklaġġ tal-bastimenti. L-impjieg huwa importanti f’dawn il-pajjiżi imma mil-lat soċjali huwa wkoll kontroversjali. Il-persuni mingħajr kwalifiki mill-ifqar kategorija tal-popolazzjoni huma dawk li jkollhom l-iktar xogħol imma mhux impjieg għax jinkrew bil-ġurnata. Il-kunċett Ewropew u globali ta’ impjieg (ILO: Patt dinji għax-xogħol deċenti, 2009) ifisser li persuna tista’ tgħix u żżomm familja permezz tal-impjieg. In-nies ma jistgħux jaqilgħu għajxien mix-xogħol taż-żarmar tal-bastimenti fl-ixtut tax-Xlokk tal-Asja, forsi jissopravivixxu għal żmien qasir. Fil-prattika għadd kbir minnhom imutu minħabba x-xogħol: jew imutu malajr, fil-ħafna aċċidenti li jiġru fuq il-post tax-xogħol, jew imutu bil-mod b’xi marda serja u li ma titfejjaqx li taqbadhom fuq il-post tax-xogħol.

5.3

L-Unjoni Ewropea għandha responsabbiltà kbira f’dan il-qasam peress li l-parti kbira tal-flotta dinjija hija proprjetà ta’ sidien mill-Istati Membri Ewropej. Il-Kummissjoni ilha s-snin tinkwieta dwar l-iżviluppi f’dan is-settur, fosthom l-evażjoni fuq skala kbira tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Għalhekk, xi snin ilu ddeċidiet li tieħu azzjoni. Fl-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni ħarġet Green Paper dwar dan is-suġġett, imbagħad Dokument ta’ Strateġija, u issa ħarġet Proposta għal Regolament.

5.4

Il-Proposta għal Regolament dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti tidher ftit li xejn differenti mill-Green Paper u d-Dokument ta’ Strateġija dwar l-istess suġġett li ġew ippubblikati qabel. F’dawn iż-żewġ dokumenti saret analiżi rigoruża tal-problemi relatati mar-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-Bangladexx, l-Indja u l-Pakistan li wasslet għall-konvinzjoni li kien hemm bżonn li jittieħdu miżuri sodi biex jiġi indirizzat dan l-abbuż. Madankollu, il-miżuri previsti fil-Proposta għal Regolament fil-fatt ma jsolvux il-problema. Il-KESE jista’ biss jikkonkludi li r-rieda politika għas-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi ma teżistix. Din mhijiex biss ħasra, imma saħansitra ħaġa notevoli. F’oqsma simili, il-Kummissjoni fil-fatt uriet ir-rieda politika.

5.5

F’din il-Proposta ftit li xejn għad fadal mill-intenzjonijiet tad-dokumenti preċedenti biex, pereżempju, jiżdiedu r-responsabbiltajiet tas-sidien, il-produtturi u l-burdnara tal-bastimenti bil-għan li l-bastimenti li jkunu waslu fl-aħħar taċ-ċiklu ekonomiku tagħhom jiġu żarmati u riċiklati b’mod responsabbli. Il-miżuri li fil-fatt ġew proposti huma dgħajfa u miżgħuda b’lakuni legali.

5.6

Ladarba tlestew il-proposti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong, l-Istati tal-Konvenzjoni ta’ Basilea analizzaw jekk il-monitoraġġ u l-infurzar ta’ Basilea u Ħong Kong kinux l-istess. Il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basilea ma waslu għall-ebda ftehim dwar dan. Skont l-IMO u l-Istati Membri tal-UE il-konklużjoni kienet waħda pożittiva. Wieħed mill-fatturi għad-differenza fil-konklużjonijiet jista’ jkun li l-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong jittratta biss iż-żarmar tal-bastimenti. Il-Konvenzjoni ta’ Basilea tikkonċerna l-iktar l-ipproċessar responsabbli ta’ sustanzi perikolużi u tagħmel proposti wkoll għall-katina sussegwenti. Fil-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong hemm ftit li xejn dwar dan. Il-KESE jinnota li l-Proposta tal-Kummissjoni b’mod ġenerali tindirizzah dan l-aspett u jirrakkomanda li sabiex jiġi awtorizzat ir-riċiklaġġ ta’ bastimenti fi faċilitajiet sitwati fil-pajjiżi barra l-OECD, sakemm jilħqu r-rekwiżiti għall-inklużjoni fuq il-lista Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li r-Regolament ikun ibbażat b’mod partikolari fuq il-linji gwida eżistenti tal-organizzazzjonijiet (7) internazzjonali rilevanti, kif ukoll fuq il-Konvenzjoni stess u l-linji gwida tekniċi tagħha.

5.7

Il-Kummissjoni fil-fatt tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong imma ssemmi inqas mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. Il-Kummissjoni tammetti li ma tridx tistabbilixxi standard għoli wisq għax inkella l-Istati fejn bħalissa ż-żarmar qed isir b’metodi perikolużi għall-bniedem u l-ambjent, jistgħu ma jiffirmawx il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong u b’hekk ir-Regolament ma jkunx laħaq l-għan tiegħu. Dan huwa raġunament dubjuż: jekk regolament jew leġislazzjoni partikolari (il-Konvenzjoni ta’ Basilea) jiġi miksur iktar minn darba, is-sostituzzjoni tagħha b’sistema legali li tkun iktar dgħajfa fl-infurzar (il-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong) ma tidhirx li hija l-aħjar miżura biex il-problema tissolva. Fil-Proposta tagħha, il-Kummissjoni setgħet tagħti iktar attenzjoni lil livell ogħla ta’ infurzar.

5.8

Żewġ metodi adatti sew biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Basilea huma t-tneħħija tal-bandiera ta’ bastiment minn Stat Membru Ewropew li jinbiegħ lil pajjiż li mhuwiex Stat Membru tal-UE jew jekk il-bastiment jinbiegħ lil negozjant tal-iskart. Jekk il-bejgħ isir f’ilmijiet Ewropej in-negozjant tal-iskart ma jistgħax jesporta l-bastiment lejn pajjiż li mhuwiex membru tal-OECD għar-riċiklaġġ peress li dan il-bastimenti jaqa’ taħt ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Basilea. It-tali negozjant irid jagħmel stqarrija li fiha jikkonferma li mhux se jbiegħ il-bastiment għaż-żarmar imma għall-użu ekonomiku. Malli t-tali bastiment jkun ħalla l-ilmijiet Ewropej, ħafna drabi jsalpa lejn wieħed mix-xtajtiet tax-Xlokk tal-Asja u l-istqarrija ssir falza.

5.9

Il-KESE jqis li fil-Proposta tal-Kummissjoni ddaħħlu l-iktar elementi importanti mill-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong: it-tqassim tar-responsabbiltajiet ġie stabbilit bejn l-Istati tal-bandiera, l-Istati tar-riċiklaġġ u l-Istati tal-portijiet minn naħa u s-sidien u l-manifatturi tal-bastimenti u l-faċilitajiet tar-riċiklaġġ min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-Kumitat għandu d-dubji dwar il-bilanċ ta’ dan it-tqassim u xtaq li kieku anke l-pożizzjoni tas-sidien preċedenti/sidien attwali tiġi regolata.

5.10

Pereżempju, ħaġa nieqsa mill-Proposta hija strument ekonomiku li permezz tiegħu l-Kummissjoni tista’ tinfluwenza s-sitwazzjoni b’mod favorevoli. Madankollu, fid-dokumenti preċedenti tali strument kien issemma. Il-Kummissjoni għamlet stħarriġ dwar il-possibbiltajiet ta’ fond li fih jiġi depożitat ammont minn kull bastiment li jidħol f’port Ewropew. L-ammont jista’ jiġi determinat skont it-taħlita ta’ tunnellaġġ u tossiċità. Barra minn hekk, l-użu ta’ tali fond jikkonforma sew mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Dawn il-flus ikunu jistgħu jintużaw biex jittejbu ċ-ċirkostanzi fix-Xlokk tal-Asja billi l-ħaddiema jitħarrġu fil-metodi ta’ xogħol sikuri u sani, billi n-nies tal-post jiġu sensibilizzati dwar il-perikli taż-żarmar irresponsabbli tal-bastimenti l-kbar u billi tittejjeb l-infrastruttura pubblika lokali.

5.11

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-possibbiltà li dan il-fond jintuża biex tiġi żviluppata kapaċità għaż-żarmar u biex tiġi stabbilita industrija tar-riċiklaġġ fl-Ewropa. Fl-Ewropa hemm biżżejjed tarzni li ma jintużawx jew bilkemm jintużaw għall-bini u t-tiswija tal-bastimenti, iżda li huma kompletament adatti għaż-żarmar u r-riċiklaġġ tal-bastimenti. Din l-idea tikkonforma sew mal-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tiżviluppa f’soċjetà ta’ riċiklaġġ sostenibbli, f’ambjent fejn l-iskart jiġi trasformat prinċipalment f’materja prima bis-saħħa ta’ sistema ta’ riċiklaġġ elaborata u mħejjija sew. Dan jista’ jwassal għal dħul ekonomiku kbir f’materjal prezzjuż li fil-biċċa l-kbira jista’ jissodisfa d-domanda għall-materja prima u joħloq l-impjiegi. Fid-dawl tal-prezzijiet li dejjem qed jiżdiedu tal-materja prima u r-rata għolja tal-qgħad f’għadd ta’ Stati Membri Ewropej dan jista’ jfisser qligħ kbir għall-Ewropa.

5.12

Jekk l-Ewropa tixtieq li l-bastimenti tagħha jiġu żarmati b’mod responsabbli, tkun ħaġa raġonevoli li tħallas parti għall-bini tal-kapaċità meħtieġa biex dan isir b’kundizzjonijiet korretti. Fl-ekonomija tas-suq m’hemm xejn b’xejn, kollox għandu prezz li jrid jitħallas. Għaż-żarmar responsabbli tal-bastimenti, il-prezz jitħallas bil-flus. Għaż-żarmar irresponsabbli, parti mill-prezz jitħallas mod ieħor, bħat-tniġġis tal-ambjent lokali u t-telf ta’ ħajja tal-bnedmin. Billi fl-UE ma nixtiqux naċċettaw dawn il-valuri bħala ħlas, lanqas ma nistgħu naċċettaw li jintużaw fil-ħlas lil pajjiżi barra l-Ewropa. Il-Kummissjoni għandha tagħmel iktar pressjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni setgħet ressqet proposta aħjar, iktar kreattiva, ambizzjuża u b’iktar inizjattivi b’konformità mal-livell ta’ ambizzjoni tad-dokumenti preċedenti tal-Kummissjoni u l-Opinjonijiet tal-Kumitat.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-Proposta għar-riċiklaġġ tal-bastimenti u l-approċċ ġenerali li għażlet il-Kummissjoni, imma għandu dubji serji dwar kemm l-infurzar huwa adatt. Il-Kumitat huwa kritiku dwar il-punti li ġejjin:

6.2

L-Artikolu 15 tar-Regolament jistabbilixxi li l-faċilitajiet tar-riċiklaġġ barra l-UE jistgħu jiddaħħlu f’lista Ewropea jekk jilħqu r-rekwiżiti kollha li l-UE tkun definixxiet għaż-żarmar responsabbli. Madankollu, il-faċilitajiet innifishom iridu jagħtu prova li jissodisfaw ir-rekwiżiti. L-ispezzjonijiet fuq is-sit li jsiru mill-Kummissjoni jew minn aġenti f’isimha huma inklużi biss bħala opzjoni fir-Regolament propost. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu ċar u effettiv għall-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ minn partijiet terzi indipendenti sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12.

6.3

Fl-Artikolu 12 hemm sommarju tar-rekwiżiti li jridu jintlaħqu minn faċilità biex tiddaħħal fil-lista Ewropea. Dwar ir-rekwiżiti nnifishom m’hemmx ħafna x’wieħed jista’ jgħid. Madankollu, id-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 28 tistabbilixxi li qabel ma tinħareġ il-lista Ewropea l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-faċilitajiet għar-riċiklaġġ tal-bastimenti stabbiliti barra l-Unjoni b’kundizzjoni li jiġi verifikat li l-faċilità tar-riċiklaġġ tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 12, abbażi tal-informazzjoni provduta jew inkella miksuba mis-sid tal-bastiment jew mill-faċilità tar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Mill-ġdid, il-KESE jappella lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu ċar u effettiv għall-ispezzjonijiet u l-monitoraġġ minn partijiet terzi indipendenti sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12.

6.4

Fl-Artikolu 23, ġie propost li jiġu stabbiliti sanzjonijiet għall-ksur tar-regolament, li jistgħu jkunu ta’ natura ċivili jew amministrattiva, u li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Iżda ma jissemmewx sanzjonijiet prattiċi. Fl-istess artikolu jiġi stabbilit li anke s-sid ta’ qabel tal-aħħar jista’ jiġi penalizzat jekk il-bastiment jinbiegħ u f’inqas minn sitt xhur wara li jinxtara jintbagħat għar-riċiklaġġ f’faċilità li mhix inkluża fil-lista Ewropea. Madankollu, il-Kumitat jinnota li dawn is-sitt xhur huma biss perjodu qasir fil-ċiklu ta’ ħajja medju ta’ bastiment. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jinnota wkoll li l-ilħiq tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-penalitajiet, jekk sid il-bastiment jista’ juri li ma kienx biegħ il-bastiment bl-intenzoni tar-riċiklaġġ, jista’ jsir sempliċiment permezz ta’ stqarrija, ħaġa li dehret b’mod ċar fil-problema ta’ infurzar tal-Konvenzjoni ta’ Basilea.

6.5

Fl-Artikolu 30, il-Kummissjoni twiegħed li r-Regolament ser jiġi rivedut sentejn wara li l-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong ikun daħal fis-seħħ. Billi dan huwa mistenni fl-2020, ir-reviżjoni tar-Regolament huwa previst għall-2022. Il-Kummissjoni tqis mill-ġdid l-inklużjoni ta’ faċilitajiet awtorizzati mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong fil-Lista Ewropea tal-faċilitajiet għar-riċiklaġġ tal-bastimenti sabiex ikun evitat xogħol doppju u piż amministrattiv. Fl-istess ħin, jista’ jkun li l-faċilitajiet rikonoxxuti mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ħong Kong, jiġifieri dawk li jagħmlu parti mill-katina wara ż-żarmar, li huma inkarigati mill-ipproċessar tas-sustanzi perikolużi, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-lista Ewropea. Anke dan iwassal biex tiddgħajjef il-prattika attwali.

6.6

Il-KESE jinnota li r-riċiklaġġ tal-bastimenti f’postijiet fejn dan isir bil-metodu fejn il-bastiment jittella’ fuq ix-xatt (beaching), is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija totalment inadegwata, il-ħaddiema jiġu sfruttati u l-konsegwenzi għall-ambjent huma diżastrużi. Il-bastimenti jiġu żarmati bl-idejn fuq ix-xatt, il-materjali perikolużi li jkun ġo fihom (żejt, tajn biż-żejt, PCBs, eċċ.) jiġu rilaxxati bla rażan fil-baħar jew iqattru ġor-ramel. Riċerka li saret fil-post uriet li l-flora u l-fawna fl-inħawi ġenerali tal-ixtut fejn isir iż-żarmar sparixxew kompletament. Fid-dawl tal-aġenda tal-UE għas-sostenibbiltà, wieħed jistenna li l-Kummissjoni teskludi mil-lista Ewropea l-faċilitajiet fejn qed jintużaw dawn il-metodi. Bħalissa dan għadu mhuwiex ċar.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Technical Guidelines for the Environmentally Sound Management of the Full and Partial Dismantling of ships, Basel Convention on the Control of Transboundary Movements of Hazardous Wastes and their Disposal, (Linji Gwida Tekniċi għall-Ġestjoni Soda tal-Ambjent taż-Żarmar Sħiħ u Parzjali tal-Bastimenti, il-Konvenzjoni ta’ Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti Transkonfinali tal-Iskart Tossiku u r-Rimi tiegħu), UNEP;

Guidelines on Safety and Health in Shipbreaking: Guidelines for Asian countries and Turkey, (Linji Gwida dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fiż-żarmar tal-bastimenti: Linji gwida għall-pajjiżi Asjatiċi u t-Turkija), International Labour Organisation (ILO);

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart.

(3)  COM(2007) 269 final.

(4)  COM(2008) 767 final.

(5)  CESE 1701/2007, ĠU C 120, 16.5.2008 p. 33, CESE 877/2009, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 67.

(6)  COM(2012) 118 final.

(7)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 5.5

Ibdel it-test kif ġej:

F’din il-Proposta ftit li xejn għad fadal mill-intenzjonijiet tad-dokumenti preċedenti biex, pereżempju, jiżdiedu r-responsabbiltajiet tas-sidien, il-produtturi u l-burdnara tal-bastimenti bil-għan li l-bastimenti li jkunu waslu fl-aħħar taċ-ċiklu ekonomiku tagħhom jiġu żarmati u riċiklati b’mod responsabbli. Il-miżuri li fil-fatt ġew proposti u legali.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

70

Kontra

72

Astensjonijiet

0

Punt 5.7

Ibdel it-test kif ġej:

Il-Kummissjoni fil-fatt tmur lil hinn mir-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Ħong Kong imma ssemmi inqas mir-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Basel. Il-Kummissjoni tammetti li ma tridx tistabbilixxi standard għoli wisq għax inkella l-Istati fejn bħalissa ż-żarmar qed isir b’metodi perikolużi għall-bniedem u l-ambjent, jistgħu ma jiffirmawx it-Trattat ta’ Ħong Kong u b’hekk ir-Regolament ma jkunx laħaq l-għan tiegħu.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

65

Kontra

86

Astensjonijiet

0

Punt 5.10 u punt 1.5 (ivvutati flimkien)

Ħassar it-test kif ġej:

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

69

Kontra

80

Astensjonijiet

2


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/165


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Azzjonijiet ewlenin għal Att dwar is-Suq Uniku II” (opinjoni esploratorja)

2012/C 299/30

Relatur Ġenerali: is-Sur VOLEŠ

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Azzjonijiet ewlenin għal Att dwar is-Suq Uniku II (opinjoni esploratorja)

Nhar it-28 ta’ Ġunju 2012, il-President inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sur Voleš bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 5 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Il-Kummissjoni ppreżentat proposti għal għaxra mit-tnax-il xprun tal-Att dwar is-Suq Uniku sal-aħħar tal-2011 u ż-żewġ proposti li kien baqa’ ġew ippreżentati fl-ewwel nofs tal-2012. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposti għal jew ikkompletat 28 miżura mill-50 li kien għad baqa’ u li tħabbru fl-Att dwar is-Suq Uniku.

1.2   Il-proposti speċifiċi dwar il-governanza tas-suq uniku iffokaw fuq is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq uniku, it-titjib tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-suq uniku mill-Istati Membri u l-iżgurar tal-infurzar effettiv tagħhom. Ftit li xejn sar progress f’dan il-qasam partikolari minkejja l-fatt li ċ-ċittadini u n-negozji jqisu li dan huwa wieħed min-nuqqasijiet il-kbar.

1.3   L-enfasi fuq it-tnax-il xprun ippermettiet lill-Kummissjoni tagħmel aktar progress milli kieku kien ikun possibli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill intalbu jadottaw il-proposti leġislattivi qabel tmiem l-2013 biex ikunu jistgħu jiġu implimentati sal-2014. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni rapidi, sħaħ u korretti tal-leġislazzjoni adottata ser ikunu kompitu ewlieni għall-Istati Membri.

1.4   Il-Kummissjoni ser tiċċelebra l-20 anniversarju tas-Suq Uniku billi torganizza Ġimgħa tas-Suq Uniku madwar l-Ewropa f’Ottubru 2012 b’avvenimenti fis-27 Stat Membru kollha. It-tieni Forum tas-Suq Uniku ser iżomm il-momentum politiku li ħoloq l-Att dwar is-Suq Uniku, janalizza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tiegħu, u jqis prijoritajiet futuri biex jistimola t-tkabbir u jqawwi l-fiduċja.

1.5   F’ittra tas-27 ta’ Ġunju, il-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Maroš Šefčovič, talab lill-KESE biex jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej bħalissa abbażi tal-fatt li l-membri tiegħu jirrappreżentaw id-diversità tal-atturi soċjali u ekonomiċi filwaqt li jipprovdu valur miżjud konsenswali għall-ħidma li għaddejja.

2.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

2.1   Il-proposti għal Att dwar is-Suq Uniku II ma jistgħux jinjoraw is-sitwazzjoni diffiċli fl-UE li ġejja mill-fatt li bosta Stati Membri mhumiex kapaċi jiġġieldu d-defiċits pubbliċi tagħhom, l-istaġnar dominanti tal-PDG u l-qgħad li dejjem jiżdied. Għaldaqstant, il-proposti għandhom jinkludu mhux biss miżuri għall-perjodu qasir b’effett immedjat fuq it-tkabbir u l-impjieg iżda wkoll miżuri għall-perjodu medju u fit-tul li jiggarantixxu żvilupp sostenibbli u jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE anke fil-futur.

2.2   Strateġija Ewropa 2020 riveduta u aġġornata għandha tkun il-linja gwida ġenerali għall-iżvilupp tas-suq uniku, bħala l-aktar kisba prezzjuża tal-integrazzjoni Ewropea u għodda għall-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija.

2.3   It-tħejjija tas-sensiela l-ġdida ta’ proposti għat-tisħiħ tas-suq uniku għandha tqis il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

2.4   Il-miżuri intiżi biex juru l-potenzjal tas-suq uniku għan-negozji, il-konsumaturi, iċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra għandhom jittieħdu l-aktar fil-qasam tas-servizzi, l-aċċess għall-finanzjament, it-tneħħija tal-piż amministrattiv għall-SMEs, il-kummerċ elettroniku, is-suq uniku diġitali u l-mobbiltà. Minn naħa, dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-fiduċja, u, min-naħa l-oħra, għandhom iqisu b’mod adegwat l-aspetti soċjali tas-suq uniku billi jappoġġjaw l-ekonomija soċjali u jirrispettaw il-bżonn għal koeżjoni soċjali kif ukoll id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini.

2.5   Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (1) u t-tnax-il xprun (2), il-KESE enfasizza għadd ta’ kwistjonijiet li għadu jqis bħala kruċjali:

il-komunikazzjoni dwar il-vantaġġi tas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozji hija kruċjali u l-intermedjarji bħall-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mezzi tax-xandir u l-istituzzjonijiet edukattivi fost l-oħrajn għandhom ir-responsabbiltà li jikkontribwixxu sabiex l-Ewropej jifhmu l-kwistjoni;

il-Kummissjoni Ewropea għandha tissensibilizza liċ-ċittadini dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-suq uniku billi tuża ħafna netwerks, aġenziji u għodod oħra li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha (3).

2.6   Aktar tard dis-sena, il-Kumitat ser ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-miżuri li huma nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku. Fost affarijiet oħra, dawn jinkludu l-imposti tad-drittijiet tal-awtur (koperti mill-Att dwar is-Suq Uniku II), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protezzjoni tad-data, il-ħarsien tal-investitur, il-protokoll dwar il-progress soċjali, l-istatuti Ewropej dwar il-kumpaniji privati, l-akkwist elettroniku, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-mikronegozji u n-negozji tal-familji, il-miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, il-karti ta’ kreditu u ta’ debitu, il-ħlasijiet elettroniċi, il-kreditu tal-konsumaturi u d-dejn eċċessiv, it-trasferimenti interbankarji, iż-żgħażagħ, miżuri biex tiġi kompluta l-implimentazzjoni tal-euro u t-titjib tal-funzjonament taż-Żona Ewropea Unika ta’ Pagament (SEPA).

2.7   Il-Kumitat jistenna li jkun involut fi kwalunkwe proċess ta’ konsultazzjoni relatat mal-miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi tal-programm kontinwu tal-Kummissjoni li ser jagħmel parti mill-Att dwar is-Suq Uniku II u ser ifassal rakkomandazzjonijiet dettaljati meta l-azzjonijiet individwali tal-Kummissjoni jiġu tradotti fi proposti konkreti.

3.   Xpruni u azzjonijiet ewlenin

3.1   Is-servizzi

3.1.1   Għandhom ikunu disponibbli kontijiet ta’ pagamenti bażiċi għaċ-ċittadini kollha u dawn għandhom jiġu implimentati malajr. Il-Kumitat jitlob għal miżuri regolatorji dwar dawn il-kontijiet, it-trasparenza tal-miżati u t-tibdil faċli tal-kontijiet.

3.1.2   Il-kunsinna ta’ kaxxi postali speċjalment fil-kummerċ elettroniku (4) u l-proċedimenti transkonfinali tal-insolvenza huma oqsma oħra li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet.

3.1.3   Il-KESE jipproponi wkoll li jiġu inklużi miżuri għall-konsolidazzjoni tal-operazzjoni taż-Żona Ewropea Unika ta’ Pagament (SEPA).

3.1.4   Il-Kumitat itenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-istandards fuq is-servizzi filwaqt li fl-istess ħin jiġu kkunsidrati l-karattru speċifiku tas-servizzi u l-bżonnijiet tas-suq u tas-soċjetà.

3.2   Is-Suq Uniku diġitali

3.2.1   Il-Kumitat iqis li t-tkomplija tas-suq uniku diġitali ser tkun element ewlieni tat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku. Fl-opinjoni preċedenti tiegħu, il-Kumitat stqarr li l-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-vittmi tal-frammentazzjoni tas-suq uniku u dan ifixkel l-użu sħiħ tal-potenzjal tal-kummerċ transkonfinali onlajn kemm għall-provvedituri kif ukoll għall-konsumaturi. Biex jissolvew dawn il-problemi għandhom jittieħdu azzjonijiet li jikkomplementaw il-miżuri li diġà huma preparati mill-Kummissjoni, jiġifieri livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, internet miftuħ, in-newtralità tan-netwerk, it-tneħħija ta’ ostakli bbażati fuq in-nazzjonalità/residenza, il-firem elettroniċi, il-ħlasijiet elettroniċi, l-investiment fil-broadband, aċċess universali, l-aċċessibbiltà tal-hardware u s-software għal kulħadd u l-leġislazzjoni dwar servizzi onlajn flimkien ma’ politika konsistenti tal-konsumatur.

3.2.2   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u li jinfetħu s-servizzi tal-gvern elettroniku, li jista’ jiġi ffaċilitat permezz tal-użu ġeneralizzat tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

3.2.3   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jitqiesu b’mod partikolari l-vantaġġi tat-tixrid wiesgħa tal-fatturar elettroniku. Iżda jemmen li din għandha tkun għażla fakultattiva u għandu jingħata trattament ugwali lill-karta, filwaqt li għandu jiġi evitat piż addizzjonali għall-SMEs.

3.3   Netwerks

3.3.1   Il-KESE jagħti attenzjoni speċjali lin-netwerks (trasport, enerġija, komunikazzjoni) li jaqdu rwol sostanzjali fil-konnessjoni tal-Ewropa. Fir-rigward tal-ferroviji, il-KESE jappoġġja l-idea li tiġi stabbilita żona ferrovjarja unika Ewropea li tkun tista’ tikkompeti mal-modi l-oħra tat-trasport. Jirrakkomanda li tiġi analizzata l-possibbiltà li jitwaqqaf fond ta’ kumpens simili għal dawk li diġà jeżistu f’diversi industriji li jużaw netwerk. Għandha tingħata prijorità assoluta lill-implimentazzjoni ġenerali tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju flimkien mas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji.

3.3.2   Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew huwa essenzjali sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fis-suq globali. Għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-iżvilupp tas-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew): a) l-iżgurara ta’ użu sinkronizzat tat-titjib tal-infrastruttura tal-ajru u tal-art; b) l-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u fil-ħin għall-użu tas-SESAR; c) l-istabbilment ta’ governanza adegwata għall-użu tas-SESAR. Għandu jkun miftuħ ukoll għall-SMEs.

3.3.3   Il-Kumitat jappella għal reviżjoni rapida tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (5) biex jiġu aġġornati d-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward ta’ prenotazzjonijiet eċċessivi, dewmien u wkoll btajjel komprensivi.

3.3.4   Il-politika dwar il-portijiet Ewropej għandha tindirizza dawn it-temi:

a)

l-iżgurar ta’ żvilupp sostenibbli tal-portijiet u l-kapaċità relatata magħhom;

b)

il-ħolqien ta’ qafas ċar u trasparenti relatat mal-finanzjament ta’ investimenti fil-portijiet;

c)

il-kjarifika tal-proċeduri fir-rigward tal-aċċess għas-suq għas-servizzi tal-portijiet;

d)

is-soluzzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni operazzjonali li jfixklu l-effiċjenza tal-portijiet;

e)

il-promozzjoni ta’ sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u sikuri kif ukoll relazzjonijiet industrijali kostruttivi fil-portijiet;

f)

il-promozzjoni tal-kompetittività globali u tal-perċezzjoni pożittiva tal-portijiet.

3.3.5   Politika għall-portijiet Ewropej ma tfissirx neċessarjament il-ħolqien ta’ leġislazzjoni ġdida. B’mod partikolari, “il-liġi mhux vinkolanti” (“soft law”) tista’ tkun alternattiva ta’ valur għal-leġislazzjoni fuq naħa u ta’ valur ta’ każ b’każ fuq in-naħa l-oħra.

3.3.6   Fir-rigward tan-netwerks tal-enerġija, il-Kumitat japprova l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tkompli għaddejja l-interkonnessjoni u li jitlesta s-suq intern tal-enerġija.

3.3.7   Il-Kumitat jappoġġja l-prinċipju li tinħoloq Komunità Ewropea tal-Enerġija (KEE) u japprova l-istadji intermedji involuti, inklużi n-netwerks Ewropej reġjonali tal-enerġija, il-fond għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u r-raggruppament tax-xiri tal-gass.

3.3.8   Il-Kumitat huwa tal-fehma li wasal iż-żmien għal valutazzjoni kritika tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, peress li r-riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji ma wasslux għall-prezzijiet orħos kif antiċipat.

3.4   L-aċċess għall-finanzi

3.4.1   Minħabba l-kriżi finanzjarja, l-aċċess għal kreditu jista’ jkun diffiċli għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs f’ħafna Stati Membri, b’riperkussjonijiet negattivi fuq l-attività tagħhom ta’ negozju. Sabiex is-settur privat, u speċjalment l-SMEs u l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi, l-aċċess għall-kapital huwa kruċjali. Madankollu, il-banek qegħdin ikunu dejjem inqas lesti li jselfu lin-negozji, partikolarment lill-intrapriżi innovattivi u l-intrapriżi li għadhom jibdew li jippreżentaw kemm l-akbar riskji kif ukoll l-akbar potenzjal għal tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll linji gwida lill-partijiet interessati kollha dwar il-prattika tajba billi jingħaqdu u jintużaw strumenti finanzjarji minn sorsi differenti.

3.4.2   Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-SMEs jaċċessaw is-swieq tad-dejn kapitali direttament u jiżviluppaw pjattaformi ta’ bonds immirati lejn l-SMEs kif ukoll biex tesplora modi kif jista’ jittejjeb il-finanzjament intermedju u tqis prodotti finanzjarji intermedji ġodda bħall-garanzija għas-self intermedju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-partijiet interessati kollha dwar l-aħjar mod kif għandhom jiġu kkombinati u mmultiplikati l-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti.

3.4.3   Il-KESE jirrakkomanda li n-negozjati mal-Istati Membri dwar il-fondi strutturali tal-futur iqisu l-bżonn li jinħolqu strumenti finanzjarji li jappoġġjaw il-garanziji għas-self lill-SMEs.

3.5   It-tassazzjoni

3.5.1   Il-Kumitat jappella għal azzjonijiet li jindirizzaw ir-regoli fiskali diverġenti u l-kumplikazzjonijiet amministrattivi, li huma wieħed mill-akbar ostakli għall-SMEs u li jipprevenuhom milli jespandu fi ħdan is-suq uniku.

3.5.2   Anke mingħajr l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni, jistgħu jitneħħew ħafna ostakli f’dan il-qasam, fost oħrajn it-tassazzjoni doppja, li hija ostaklu serju għall-attivitajiet transkonfinali b’implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-investiment u l-impjieg. Is-sistemi attwali kkumplikati għall-irkupru tal-VAT fil-kummerċ u s-servizzi transkonfinali jistgħu jwasslu għall-evażjoni fiskali u l-frodi, li jridu jiġu miġġielda b’mod effettiv. Dikjarazzjoni standard tal-VAT tal-UE tikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni amministrattiva.

3.5.3   Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-tassazzjoni fl-Istati Membri m’għandhiex twassal għall-ħolqien ta’ rifuġji fiskali b’impatti negattivi fuq l-ekonomija u l-baġits pubbliċi.

3.5.4   Għandha tingħata attenzjoni lill-iskemi tal-VAT għas-servizzi finanzjarji, u ċertament, jekk tiġi introdotta taxxa ġdida għas-settur finanzjarju bbażata fuq il-fluss tal-flus kontanti jew fatturi simili, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-merti li din titfassal fi ħdan il-qafas tal-VAT.

3.5.5   Il-KESE jappella wkoll li jiġu introdotti regoli ġenerali sabiex il-VAT titħallas biss meta l-fattura tkun tħallset mill-klijent. Din is-sistema, li diġà hija applikata f’xi Stati Membri għall-kumpaniji żgħar, magħrufa bħala kontabilità tal-ħlasijiet, tevita li l-VAT tiġi imposta fuq bejgħ, ikunx ħallas jew le l-klijent. Fir-riċessjoni ekonomika attwali, din tista’ tippreveni l-insolvenza speċjalment għall-SMEs.

3.6   L-ambjent kummerċjali

3.6.1   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li mhumiex koperti biżżejjed mil-leġislazzjoni tal-UE u mill-programmi ta’ appoġġ, bħall-persuni impjegati għal rashom.

3.6.2   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jkompli jitnaqqas il-piż amministrattiv mhux meħtieġ u jistenna li l-Kummissjoni tipproponi l-miri wara l-2012, meta l-piż amministrattiv għandu jkun naqas b’25 %. Il-Kumitat jinnota li t-tnaqqis ta’ piż mhux meħtieġ huwa dejjem mixtieq kemm jekk għan-negozji, għall-konsumaturi jew għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda hemm bżonn ta’ valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-għan oriġinali tal-leġislazzjoni ma jiġix kompromess.

3.7   L-intraprenditorija soċjali

3.7.1   L-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali ser tiġi riveduta fl-2014. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ esperti dwar in-negozju soċjali, il-Kummissjoni ser tanalizza r-riżultati u tiddetermina x’għad fadal isir. Il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu tajjeb il-kummenti li għamel fl-opinjonijiet reċenti tiegħu dwar in-“negozju soċjali” (6).

3.7.2   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiżdied il-livell ta’ għarfien dwar ir-rwol u t-tixrid tan-negozji soċjali bil-għan li jissaħħaħ l-impatt attwali tagħhom fuq il-komunità. Dan ser jeħtieġ l-iżvilupp ta’ metodoloġija sabiex jitkejjel dan l-impatt. Kejl bħal dan ser ikun meħtieġ ukoll sabiex jiġi implimentat il-Fond Ewropew għall-Intraprenditorija Soċjali.

3.7.3   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposta tal-Fondazzjoni Ewropea u l-forom korporattivi Ewropej kollha l-oħra għandha tiġi vvalutata fuq l-isfond tal-konsultazzjoni dwar it-tiġdid tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji.

3.8   Il-konsumaturi

3.8.1   Il-Kumitat qed jistenna bil-ħerqa proposta leġislattiva dwar ir-rimedju kollettiv fil-futur qrib. Proposta bħal din trid twassal għal mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv li jopera kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll b’mod transkonfinali u li huwa aċċessibbli għall-konsumaturi kollha fis-suq uniku. Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu disponibbli għal kull min ikollu d-drittijiet tiegħu mhux irrispettati fis-suq uniku. Mhumiex biss il-konsumaturi li jaraw id-drittijiet tagħhom mhux irrispettati minn fornituri ta’ prodotti u servizzi, permezz ta’ termini kuntrattwali u prattiki kummerċjali mhux ġusti. Anke ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati u ċittadini inġenerali li jbatu minn diskriminazzjoni għandu jkollhom aċċess għal sistemi ta’ rimedju kollettiv. L-SMEs jista’ jkun li jeħtieġu protezzjoni simili kontra prattiki kummerċjali mhux ġusti.

Tħejjijiet ulterjuri għandhom iqisu wkoll il-perspettivi tal-partijiet kollha interessati.

3.8.2   Il-KESE jappella għal miżuri regolatorji sabiex jinkiseb suq uniku integrat għall-pagamenti bil-kards, minn fuq l-internet u bil-mowbajl.

3.8.3   Fir-rigward tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodott, il-Kumitat jappella li jiġu applikati żewġ prinċipji bażiċi:

il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja. Dan ifisser li jiġu applikati r-rekwiżiti għas-sigurtà tal-prodotti għall-utenti u l-ħaddiema involuti kollha. Ir-referenza għaċ-ċiklu tal-ħajja tkopri l-fażijiet kollha ta’ ħajja ta’ prodott, mill-akkwist tal-materja prima sar-rimi;

il-promozzjoni tal-approċċ “mill-bidu sat-tmiem” fejn is-sostenibbiltà tal-prodott għandha tkun aspett prinċipali tal-produzzjoni.

3.9   Il-mobilità taċ-ċittadini

3.9.1   Il-Kumitat itenni l-bżonn li tinkiseb iżjed mobilità għaċ-ċittadini billi tiġi mmodernizzata s-sistema tal-għarfien tal-kwalifiki professjonali. Il-promozzjoni tal-mobilità professjonali u ġeografika tal-ħaddiema tista’ tgħin biex jitjieb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol Ewropej u l-forniment ta’ servizzi transkonfinali. Id-dibatittu dwar ir-rikonoxximent mhux dejjem ikun sinifikanti fil-livell ta’ 27 Stat Membru. Għandha titpoġġa aktar enfasi fuq il-bżonn attwali (f’sitwazzjonijiet transkonfinali u bejn il-pajjiżi ġirien), abbażi ta’ analiżi tal-mudelli tal-mobilità. L-UE għandha tistimola l-kooperazzjoni reġjonali f’dan il-qasam u tippromovi taħriġ vokazzjonali transkonfinali konġunt.

3.9.2   Fir-rigward tat-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni, il-White Paper (7) qed tiffoka wisq fuq it-titjib tal-pensjonijiet individwali tat-tielet pilastru. L-iskemi tal-ewwel u t-tieni pilastru għandhom bżonn jittejbu sabiex jiġu garantiti benefiċċji strutturali anke għall-persuni li jiċċaqalqu fl-Ewropa.

3.9.3   Il-KESE jesprimi mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li l-Ftehim ta’ Schengen jiġi nazzjonalizzat mill-ġdid, deċiżjoni li tippermetti li jiġu stabbiliti ostakli ġodda għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fl-Unjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli mal-fruntieri li kienu tneħħew. Din hija kontradizzjoni ċara tal-prinċipji fundamentali tat-Trattat u toħloq aktar diffikultajiet fit-twettiq tas-suq uniku.

3.10   Il-koeżjoni soċjali

3.10.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu ċċarati r-regoli ta’ nfurzar u r-referenza għall-Artikolu 3(3) tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn jissemma li s-suq intern mhux għan fih innifsu, iżda strument sabiex jinkisbu l-progress soċjali u soċjetà sostenibbli għaċ-ċittadini Ewropej.

3.11   L-akkwist pubbliku

3.11.1   L-akkwist pubbliku għandu jiġi stabbilit permezz ta’ regoli li ma jirreferux biss għall-aħjar prezz; il-kriterji l-oħra relatati mal-benefiċċji soċjali u l-impatt fuq is-sostenibbiltà għandhom jitqiesu b’mod ugwali.

3.11.2   Għandu jitqies sa liema punt is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE jistgħu jibqgħu miftuħin b’mod sostenibbli filwaqt li pajjiżi terzi jżommu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet mhumiex ugwali għal kulħadd. F’dan ir-rigward, il-konvenzjonijiet ratifikati tal-ILO u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rrispettati mill-atturi kollha, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi. L-UE għandha tippromovi b’mod attiv din il-politika fil-livell globali.

3.11.3   Jista’ jinksieb aktar permezz tal-akkwist pubbliku elettroniku sabiex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi.

3.12   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

3.12.1   Għall-konsumaturi, il-qafas legali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali attwali jħawwad l-imħuħ; dan huwa saħansitra agħar fuq livell pan-Ewropew. Il-qafas legali jrid jiġi kkjarifikat u s-sanzjonijiet legali u l-infurzar tal-liġi jridu jkunu proporzjonati: il-konsumaturi individwali li jistgħu jiksru r-regoli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bi żball u/jew fuq skala żgħira għall-konsum personali tagħhom jistgħu jiġu ttrattati differenti minn attività kriminali fuq skala kbira/kummerċjali.

3.12.2   Huwa meħtieġ approċċ iktar pan-Ewropew għal-liċenzjar u l-ħlasijiet.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(3)  SOLVIT, Netwerk Ewropa għall-Intrapriża, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, Eurocentres, eċċ.

(4)  Kif muri minn wieħed mill-filmati tal-kompetizzjoni “Tell us your story” organizzata mid-DĠ MARKT. Is-seduta pubblika tal-Osservatorju tas-Suq Uniku li saret f’Tallinn fl-1 ta’ Ġunju 2012 indirizzat is-segwitu għall-kwistjonijiet li tqajmu f’dawn il-filmati miċ-ċittadini.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91.

(6)  Ara l-opinjonijiet ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1, ĠU C 229, 31.07.2012, p. 44 u ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55

(7)  White paper “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”, COM(2012) 55 final.


4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/170


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili” (opinjoni esploratorja)

2012/C 299/31

Relatur: is-Sur BACK

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE għandu jniedi t-twaqqif ta’ qafas għal skambju ta’ fehmiet miftuħ u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper bejn is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u atturi rilevanti oħrajn bħall-awtoritajiet nazzjonali f’livelli differenti. B’dan il-mod, l-aċċettazzjoni u fehim ikunu jistgħu jittejbu fis-soċjetà ċivili u jitressqu opinjonijiet utli lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

1.2   Djalogu jrid ikun f’diversi livelli u jinvolvi l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kemm tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-gvern. Is-soċjetà ċivili għandha tinfiehem fis-sens wiesa’ tal-kelma, u tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, negozji, dawk li jħaddmu, ħaddiema, utenti, NGOs u l-qasam akkademiku.

1.3   Djalogu jrid jiżgura li l-komunikazzjoni tkun reċiproka. Irid jipprovdi opportunità għall-Kummissjoni Ewropea biex tikkomunika dwar proposti u azzjonijiet ta’ politika. Fl-istess waqt, irid jipprovdi b’mod partikolari lis-soċjetà ċivili kif ukoll lill-gvern fil-livell lokali u reġjonali l-opportunità li jagħmlu kuntatt mal-Kummissjoni, mal-KESE u mal-istituzzjonijiet relevanti l-oħra sabiex iressqu l-kummenti tagħhom u jqajmu problemi u mistoqsijiet relatati mal-politika tat-trasport tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha, biċ-ċertezza li jingħataw tweġiba. Djalogu miftuħ u kostruttiv huwa importanti sabiex titjieb l-aċċettazzjoni tal-miżuri ta’ politika, inklużi proposti leġislattivi u pjani tal-infrastruttura.

1.4   Għandu jkun possibbli li jitqajmu problemi konkreti, pereżempju fir-rigward tal-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità, il-kwalità tat-trasport lokali u l-adegwatezza f’ċerti kuntesti tal-għanijiet tal-politika tat-trasport, bħal bidla modali jew trasport ’il fuq minn distanza speċifika.

1.5   Djalogu fuq dawn il-linji jista’ jtejjeb il-fehim u l-aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE u l-miżuri ta’ implimentazzjoni proposti. Jista’ jtejjeb il-fehim fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE dwar ir-realtajiet prattiċi u l-ħtieġa li jitqiesu kundizzjonijiet differenti f’partijiet differenti tal-UE u jtejjeb il-possibilitajiet biex jinstabu soluzzjonijiet sodisfaċenti għal problemi konkreti u jingħataw tweġibiet għal kull tħassib li jkun hemm.

1.6   Il-kontinwità u s-segwitu għal mistoqsijiet li jitqajmu huma elementi importanti fi djalogu ta’ suċċess, kif ukoll komunikazzjoni f’waqtha mill-Kummissjoni qabel ma jseħħu l-inizjattivi ppjanati. Għandu jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha sabiex jiġi żgurat djalogu effiċjenti, miftuħ u trasparenti. Il-KESE jifhem li l-Kummissjoni tqis ta’ importanza partikolari l-fatt li jsir djalogu dwar proġetti ta’ infrastruttura u azzjonijiet li jinvolvu tibdil fl-imġiba. Il-KESE jħoss ukoll li l-ambitu ta’ djalogu għandu jkun usa’ u li jista’ jġib miegħu valur miżjud għall-biċċa l-kbira tal-inizjattivi.

1.7   Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija element importanti fi djalogu, sabiex jinħoloq interess u aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE.

1.8   Fil-biċċa l-kbira, djalogu għandu jkun imsejjes fuq il-komunikazzjoni bl-internet. Dan għandu jinkludi websajt apposta/iddedikat. Għandu jiġi kkunsidrat l-użu tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter. Ġestjoni adegwata tad-djalogu fuq l-internet hija importanti sabiex jiġi assigurat li s-sistema taħdem. Taqsima tal-ispazju fuq l-internet iddedikata għad-djalogu għandha tkun immirata lejn iż-żgħażagħ. Għandu jkun hemm ukoll għadd ta’ links esterni relevanti, pereżempju għas-sit tal-internet tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini.

1.9   L-internet m’għandux ikun il-mezz esklużiv ta’ komunikazzjoni. Konferenzi jew arranġamenti oħrajn, organizzati kif meħtieġ, jistgħu jikkomplementaw id-djalogu bl-internet u jipprovdu forum sabiex jiġu diskussi żewġ suġġetti jew tlieta. Bl-istess mod, kuntatti diretti bejn rappreżentanti tal-KESE u tas-soċjetà ċivili għandhom isiru kull meta jinħass li jkunu utli. Kull mistoqsija u tħassib li jitqajmu f’dawn il-kuntesti għandhom jitressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

1.10   B’mod adatt, kull mistoqsija u tħassib li jitqajmu tul id-djalogu jistgħu jwasslu għal riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE u jinfluwenzaw l-opinjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet li jitressqulu biex joħroġ opinjoni dwarhom.

1.11   Meta wieħed iqis il-parteċipazzjoni tal-gvern lokali u reġjonali fid-djalogu, għandhom isiru kuntatti mal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) sabiex jinstab arranġament u jiġi involut il-KtR fid-djalogu u l-ġestjoni tiegħu, bl-attenzjoni dovuta għar-rwoli rispettivi tal-KESE u tal-KtR.

1.12   Fi ħdan il-KESE, id-djalogu għandu jkun ġestit minn kumitat ta’ tmexxija mis-Sezzjoni TEN tal-KESE, bl-appoġġ tas-Segretarjat tat-TEN u f’kooperazzjoni kontinwa mal-KtR u mal-Kummissjoni.

1.13   Id-dettalji tal-ġestjoni, kif ukoll tal-amministrazzjoni tad-djalogu bl-internet, ir-riżorsi meħtieġa u l-kwistjonijiet baġitarji għandhom jiġu studjati minn task force, li jressaq is-suġġerimenti tiegħu sa tmiem l-2012. Idealment jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti u sempliċi għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni, kemm jista’ jkun permezz ta’ riżorsi li diġà jeżistu. Tista’ tiġi kkunsidrata l-għażla li l-ispejjeż involuti fil-ġestjoni tad-djalogu jinqasmu mal-KtR.

1.14   Id-data maħsuba sabiex jinbeda d-djalogu għandha tkun kmieni fl-2013.

2.   Daħla

2.1   Il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (il-Pjan Direzzjonali) tistabbilixxi għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti bħala parametri ta’ referenza għall-ksib tal-mira tat-tnaqqis ta’ 60 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien jistabbilixxu l-għanijiet globali għall-2050 filwaqt li għanijiet oħra jirreferu għal miri intermedjarji oħra fl-2020 jew fl-2030. Il-White Paper tistabbilixxi wkoll strateġija magħmula minn 40 inizjattiva li jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dawn l-għanijiet matul l-għaxar snin li ġejjin.

2.2   L-40 inizjattiva stabbiliti fil-pjan direzzjonali għandhom jiġu implimentati sal-2020. Uħud huma leġislattivi. Iżda ħafna huma mibnija fuq inizjattivi nazzjonali jew lokali jew fuq l-inkoraġġiment ta’ tibdil fl-imġiba kemm għaliex hemm kompetenza limitata tal-UE kif ukoll għaliex il-leġislazzjoni mhijiex għodda adegwata sabiex isir it-tibdil fl-imġiba li huwa essenzjali sabiex inizjattiva partikolari tkun ta’ suċċess. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ għadd ta’ inizjattivi leġislattivi, it-tibdil fl-imġiba huwa importanti sabiex ikunu ta’ suċċess.

2.3   F’ittra tal-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea talbet il-fehmiet tal-KESE dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun impenjata biex tapprova l-objettivi tal-White Paper u tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-viżjoni fit-tul tagħha dwar it-trasport. L-ittra semmiet b’mod speċifiku l-ħtieġa li jiġu rikonċiljati l-interessi nazzjonali u dawk Ewropej fir-rigward ta’ proġetti importanti tal-infrastruttura fit-TEN-T, u kif jistgħu jinkisbu l-appoġġ u kontributi mis-soċjetà ċivili għall-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien stabbiliti fil-White Paper.

2.4   Nistgħu nqabblu dan mar-rwol tal-KESE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Tmexxija orizzontali ġdid tal-Ewropa 2020 sabiex ikun hemm interazzjoni iktar effiċjenti bejn il-korpi tal-KESE u l-partijiet interessati nazzjonali, bil-għan li jiġu identifikati u ppjanati inizjattivi partikolari u l-aqwa prattiki fil-proċess kontinwu ta’ riforma tal-Istati Membri. Fit-23 ta’ Frar 2011 ġie ppubblikat rapport dwar il-valutazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-iżvilupp tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’dak il-proċess, sabiex jingħata kontribut lill-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

2.5   Barra minn hekk, l-Att dwar is-Suq Uniku jipprevedi “l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni ta’ kultura tal-evalwazzjoni”. L-Att jiddikjara li l-konsultazzjoni pubblika wriet b’mod ċar li s-soċjetà ċivili tixtieq tkun involuta aktar mill-qrib fl-iżvilupp tas-suq uniku milli kienet qabel. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tippubblika b’mod regolari lista tal-20 aspettattiva ewlenija taċ-ċittadini u tal-intrapriżi fir-rigward tas-suq uniku. Il-lista se tiġi ppreżentata lill-forum tas-suq uniku li se jlaqqa’ flimkien perjodikament il-parteċipanti fis-suq, pereżempju n-negozji, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u dawk li jirrappreżentaw iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi f’livelli differenti u l-parlamenti. Se tanalizza l-qagħda tas-suq uniku u tagħmel skambju tal-aqwa prattika. Se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ valutazzjoni tal-politika u għaldaqstant se taqdi rwol fil-monitoraġġ tal-Att dwar is-Suq Uniku u tgħin biex jitkejjel l-impatt ta’ dak l-Att fil-livell l-iżjed bażiku. L-imsieħba soċjali għandu jkollhom ukoll rwol imsaħħaħ u jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

2.6   L-ewwel sensiela ta’ aspettattivi, ibbażata fuq studju, ġiet ippubblikata fil-ħarifa tal-2011.

2.7   Fl-istess ħin fil-KESE qed jiġu vvalutati ideat kunċettwali għal Forum Ewropew għat-Taħlita tal-Enerġija (EEMF). Qed jiġi kkunsidrat is-suġġeriment għal struttura permanenti b’kumitat ta’ tmexxija, segretarjat permanenti, konferenzi annwali u sa sitt laqgħat fis-sena ta’ grupp ta’ ħidma, kontra kwistjonijiet relatati ma’ fondi, kwistjonijiet istituzzjonali, adegwatezza u bażi legali. Il-kunċett jinkludi wkoll netwerk ta’ forums nazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE huwa tal-fehma li l-isfida issa hija simili għal dawk imsemmija hawn fuq. Jiffoka fuq l-appoġġ tas-soċjetà ċivili għall-għanijiet tat-trasport fuq medda twila ta’ żmien u l-kontributi għal dawn l-għanijiet li huma stabbiliti fil-White Paper, kif ukoll fuq l-aċċettazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura. Il-Kummissjoni tidher li qed tfittex ukoll il-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar jekk it-tnaqqis ta’ 60 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-għaxar għanijiet korrispondenti tal-White Paper jistgħux jintlaħqu bl-għodod li għandha bħalissa l-Kummissjoni.

3.2   Il-KESE jieħu nota li l-Artikolu 11(1) – (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi bażi formali għal dan it-tip ta’ eżerċizzju. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipolaw dmir tal-istituzzjonijiet tal-UE li jistabbilixxu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili, iwettqu konsultazzjonijiet estensivi ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju u rappreżentattivi u jipprovdu possibilitajiet għaċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet li jiddikjaraw il-fehmiet tagħhom kif ukoll jaqsmuhom fil-pubbliku. Il-KESE jieħu nota wkoll li dan l-artikolu huwa wkoll il-bażi legali għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini.

3.3   Il-KESE huwa tal-fehma li, mill-għaxar għanijiet stabbiliti fil-White Paper, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili jidher partikolarment sinifikanti għall-għanijiet numru 1 (aċċettazzjoni fis-suq u tibdil fl-imġiba), 3 (attitudni tal-operaturi, dawk li jippjanaw it-trasport u s-sidien tal-merkanzija), 4 (tibdil fl-imġiba), 5, 7 (użu ottimali tal-infrastruttura u sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku, inkoraġġiment ta’ ppjanar transkonfinali effiċjenti), 8, 10 (sistema ġusta), 9 (sikurezza u xejriet ta’ mġiba relatati mas-sigurtà).

3.4   L-appoġġ għall-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali jidher ċar li huwa utli, sabiex tingħata l-għajnuna biex tinħoloq klima favorevoli mil-lat politiku għall-implimentazzjoni tagħha.

3.5   Fl-opinjoni tal-KESE, kwistjonijiet ġenerali sinifikanti fejn djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkun partikolarment utli jinkludu:

kwistjonijiet relatati mar-rabta tal-interess tal-UE mal-interess nazzjonali/reġjonali/lokali, b’mod partikolari mil-lat tal-interessi tas-soċjetà ċivili organizzata;

kwistjonijiet relatati ma’ modi mhux tekniċi kif jiġu promossi l-għanijiet tal-politika tat-transport, inklużi l-politika korporattiva, l-imġiba intraprenditorjali, l-aċċettazzjoni tal-innovazzjoni u t-tibdil fl-imġiba.

3.6   Fir-rigward ta’ dawn il-punti, l-appoġġ ta’ soċjetà ċivili organizzata huwa importanti u possibbilment l-aqwa “triq” kif tiġi komunikata l-informazzjoni, jinkiseb appoġġ, iżda wkoll jitressqu opinjonijiet dwar problemi u ostakli.

3.7   Idealment, dawn it-“kanali” ta’ komunikazzjoni jistgħu jintużaw ukoll għat-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment u l-iskambju ta’ informazzjoni.

3.8   Il-lista ta’ inizjattivi tagħti wkoll idea dwar fejn l-appoġġ tas-soċjetà ċivili huwa importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Sabiex ikollna idea aħjar dwar il-punti fil-pjan ta’ azzjoni ta’ 40 punt dwar l-Orizzont 2020 kif stabbilit fil-White Paper, fejn l-appoġġ mis-soċjetà ċivili huwa partikolarment importanti, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-punti li ġejjin.

4.2   Żona Unika Ewropea tat-Trasport

4.2.1   Inizjattivi ppjanati biex jippromovu impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja se jesiġu l-appoġġ attiv tal-imsieħba soċjali li jistgħu jipprovdu kontribut utli fir-rigward tal-utilità ta’ aktar azzjoni fil-qafas tad-djalogu soċjali (Artikoli 9, 152, 153 TFUE). Fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti soċjali u azzjonijiet possibbli mmirati lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-livelli ta’ remunerazzjoni, il-Kumitat ifakkar li dawn l-oqsma huma espressament esklużi mill-kompetenza tal-UE (Artikolu 153(5) TFUE) u għaldaqstant huma riferuti għal soluzzjonijiet ta’ kunflitti ta’ normi bħal fid-Direttiva tas-Servizzi jew id-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li l-aspetti prattiċi tagħhom jistgħu joħolqu problemi partikolari fil-qasam tat-trasport.

4.2.2   Is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport kif ukoll il-moviment ħieles ta’ passiġġieri b’diżabilitajiet jew anzjani relatati direttament mal-aċċessibilità tas-suq kollu tat-trasport mhumiex biss kwistjoni ta’ regolazzjoni, iżda wkoll ta’ politika tal-kumpanija tat-trasport u l-fattur uman.

4.2.3   B’mod simili, filwaqt li l-Ajru Uniku Ewropew, iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u l-“Blue Belt” essenzjalment huma dipendenti minn miżuri regolatorji u rutini amministrattivi, l-użu reali tal-possibilitajiet twessa’, b’mod partikolari fir-rigward taż-Żona Ferrovjarja Unika u l-“Blue Belt”, inklużi l-użu ottimali ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport u l-aċċess tas-suq għall-portijiet se jiddipendi mill-azzjoni ta’ operaturi u partijiet oħra kkonċernati.

4.2.4   Il-kwistjonijiet ta’ kwalità, aċċessibilità u affidibilità tas-servizzi tat-trasport jikkonċernaw kemm it-trasport tal-merkanzija kif ukoll dak tal-passiġġieri. B’mod partikolari fir-rigward tal-merkanzija, l-azzjoni ta’ diversi operaturi involuti hija importanti sabiex jinkiseb suċċess. L-aktar fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-qafas regolatorju tad-drittijiet tal-passiġġieri u l-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport għall-passiġġieri b’diżabilitajiet u dawk anzjani se tesiġi wkoll il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3   It-tisħiħ u l-integrazzjoni ta’ inizjattivi lokali bażiċi

4.3.1   Il-messaġġ ta’ effiċjenza, adattament u sostenibilità fl-użu tar-riżorsi fil-White Paper dwar it-trasport diġà stimola programmi ta’ azzjoni taċ-ċittadini, kemm rurali kif ukoll urbani, madwar l-Ewropa. Dan qed isir f’ħafna modi innovattivi. Pereżempju, skemi organizzati ta’ użu komuni ta’ karozzi jnaqqsu l-ammont ta’ nies li huma sidien ta’ karozzi, u t-trasport tal-komunità lokalizzat ħafna (speċjalment li jaħdem skont id-domanda) joffri aċċess u mobilità mtejba għall-gruppi żvantaġġati u iżolati. Pjani ta’ reżiljenza tal-komunità, ta’ sikwit b’enfasi fuq il-minimizzazzjoni tal-enerġija, identifikaw trasport effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u lokalizzazzjoni adatti bħala elementi ewlenin. Skemi prattiċi mhux biss joffru mudelli ġodda tat-trasport iżda, billi jiżviluppaw mil-livell l-iżjed bażiku, jipprovdu opportunitajiet effettivi ta’ impenn pubbliku u informazzjoni għall-parteċipanti tagħhom. Dan iwessa’ l-bażi ta’ għarfien u fehim pubbliku fir-rigward tat-tibdil fl-attitudnijiet lejn it-trasport li jrid iseħħ.

4.3.2   Madankollu, ħafna inizjattivi lokali li jsiru ’l hemm u ’l hawn fl-Ewropa huma ta’ karattru mhux koordinat u strutturat, u dan ma jawgurax tajjeb meta wieħed iqis il-gravità tal-isfidi li għandna quddiemna, l-iżjed l-objettivi tat-tnaqqis kbir ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport. Il-livell ta’ ambizzjoni tal-White Paper jagħmilha neċessarja li l-isforzi jissaħħu b’mod konsiderevoli permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

aktar żvilupp u l-estensjoni ta’ inizjattivi eżistenti, b’mod speċjali bil-għan li jiġu massimizzati l-parteċipazzjoni u l-impenn tal-pubbliku;

l-immultiplikar ta’ dawn l-inizjattivi madwar l-Ewropa abbażi ta’ prattiki tajbin eżistenti u għal darb’oħra b’enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn tal-pubbliku;

l-integrazzjoni progressiva ta’ dawn l-inizjattivi kollha permezz ta’ pjattaformi u għodod komuni ta’ komunikazzjoni sabiex isir skambju tal-prattiki tajbin, ikun hemm rabtiet ma’ komunitajiet ikbar u jissawwar fehim pubbliku wiesa’ dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli għalihom.

4.4   L-innovazzjoni għall-ġejjieni – it-teknoloġija u l-imġiba

4.4.1   L-istrateġija tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-adattament tat-Trasport Ewropew mhijiex biss kwistjoni ta’ riċerka, fondi għar-riċerka, governanza u adattament ta’ sistemi intelliġenti tal-mobilità. Kif intwera fil-Pjan Direzzjonali, huwa meħtieġ l-appoġġ minn kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju. Iżda l-aċċettazzjoni tas-suq u l-użu min-naħa tas-suq huma wkoll elementi essenzjali, u hawnhekk is-soċjetà ċivili organizzata tista’ taqdi rwol.

4.4.2   Fil-fatt dan huwa marbut mill-qrib mat-tema ta’ Xejriet tal-Mobilità Innovattivi, fejn hija essenzjali l-attitudni tal-operaturi, tas-sidien tal-merkanzija u, fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, tal-pubbliku ġenerali.

4.4.3   Dan huwa l-każ tal-merkanzija, fejn ix-xewqa li jintużaw innovazzjonijiet tekniċi u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) hija importanti daqs pereżempju x-xewqa li ssir kooperazzjoni biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċità.

4.4.4   Bl-istess mod, għat-trasport fil-bliet, ħafna jiddipendi mill-appoġġ tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li s-suq jibda jagħmel użu minn sistemi alternattivi ta’ propulsjoni, l-organizzazzjoni effiċjenti tad-distribuzzjoni tal-aħħar mil u l-ippjanar sostenibbli tal-ivvjaġġar individwali u t-trasport tal-prodotti.

4.5   Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti

4.5.1   Fir-rigward tan-Netwerk Ewropew tal-Mobilità, essenzjalment huwa l-użu ottimali tal-għodod tal-IT, sistemi ta’ monitoraġġ u lokalizzazzjoni għall-merkanzija, skedi ottimizzati u flussi tat-traffiku (e-freight) li jesiġu l-aċċettazzjoni mill-atturi fis-suq. Din l-aċċettazzjoni hija neċessarja sabiex l-adattament tagħhom fil-konnessjonijiet TEN-T ikun xieraq. Din hija kwistjoni li jintlaħqu kemm riżultati ottimali kif ukoll il-valur għall-flus investiti.

4.5.2   Fil-qafas tal-approċċ kurituri tat-TEN bħala strument ta’ implimentazzjoni għan-netwerk prinċipali, il-proġetti ta’ infrastruttura għandhom jiġu implimentati b’mod li jippermettu liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet rilevanti li jiksbu sens ta’ responsabbiltà għall-u/identifikazzjoni mal-proġetti kkonċernati. Dan għandu jinkludi miżuri bħall-parteċipazzjoni bikrija (li tibda bil-fażi tal-ippjanar), l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni, l-applikazzjoni tal-iktar pjanar u metodi ta’ implimentazzjoni moderni li jeżistu jew komunikazzjoni kontinwa u trasparenti. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili jista’ jgħin ukoll biex tinħoloq klima li hija iktar favorevoli għall-ippjanar koerenti tal-infrastruttura transkonfinali.

4.5.3   Fir-rigward tal-iffinanzjar, il-kwistjoni tas-Sħubija bejn il-Pubbliku u l-Privat (PPP) tibqa’ essenzjalment kwistjoni ta’ finanzjament li ser tiddependi prinċipalment mill-aspetti legali u tekniċi. Madanakollu, fid-dawl tal-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proġetti u s-servizzi ta’ infrastruttura fejn tista’ tintuża l-PPP jeżisti interess leġittimu tas-soċjetà ċivili fil-parteċipazzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-PPPs.

4.5.4   Fir-rigward tal-ipprezzar u l-evitar tad-distorsjoni, essenzjalment din hija kwistjoni regolatorja. Madankollu, kuntatti mas-soċjetà ċivili jistgħu jipprovdu kontribut utli fir-rigward tal-prospetti tal-ħolqien ta’ klima ta’ aċċettazjoni għal dawn il-miżuri. Dawn il-kuntatti jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni fir-rigward ta’ problemi soċjali li possibbilment jinħolqu minn effetti gravi fuq l-ispejjeż f’reġjuni b’popolazzjoni baxxa jew il-kwalità tal-ħajja ta’ gruppi li huma vulnerabbli mil-lat ekonomiku jew fiżiku.

Sabiex tintlaħaq aċċettazzjoni, huwa essenzjali li kwalunkwe sistema tal-ipprezzar titqies bħala raġonevoli u ġusta, u hawnhekk ukoll kull kontribut mis-soċjetà ċivili jista’ jkun utli.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON