ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2011.318.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 318

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
29 ta' Ottubru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-473 sessjoni plenarja fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011

2011/C 318/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-futur tas-suq tax-xogħol Ewropew – It-tfittxija ta’ risposta effikaċi għall-iżvilupp demografiku (opinjoni esploratorja)

1

2011/C 318/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali (opinjoni esploratorja)

9

2011/C 318/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-Sħubija tal-Lvant u d-dimensjoni tal-Lvant tal-politiki tal-UE, b’enfasi partikolari fuq il-politika agrikola tal-UE, is-sikurezza tal-ikel, il-kummerċ mingħajr ostakli, iktar kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp, u sħubija strateġika (opinjoni esploratorja)

19

2011/C 318/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2011/C 318/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-settur tal-mużika (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

32

2011/C 318/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-armonizzazzjoni tal-asserzjonijiet immirati lejn il-konsumaturi fuq il-prodotti kożmetiċi (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

40

2011/C 318/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrateġiji ta’ ħruġ mill-kriżi tal-UE u r-rikonverżjoni industrijali: impjiegi aktar prekarji jew sostenibbli? (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

43

2011/C 318/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

50

2011/C 318/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-reviżjoni tal-politika dwar is-self tal-BEI fis-settur tat-trasport (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

56

2011/C 318/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti (opinjoni addizzjonali)

62

2011/C 318/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti (opinjoni addizzjonali)

69

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-473 sessjoni plenarja fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011

2011/C 318/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja primaCOM(2011) 25 finali

76

2011/C 318/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020COM(2010) 553 finali

82

2011/C 318/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjentiCOM(2010) 695 finali

87

2011/C 318/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UECOM(2010) 769 finali

95

2011/C 318/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UECOM(2010) 571 finali

99

2011/C 318/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-EwropaCOM(2010) 712 finali

105

2011/C 318/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi – nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-ServizziCOM(2011) 20 finali

109

2011/C 318/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjentiCOM(2011) 15 finali

113

2011/C 318/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green paper – Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UECOM(2011) 48 finali

121

2011/C 318/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (Euratom) li jistipola r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2012–2013)COM(2011) 71 finali – 2011/0045 (NLE) – il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta’ taħriġ nukleari (2012–2013)COM(2011) 72 finali – 2011/0046 (NLE) – il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal attivitajiet ta’ riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013)COM(2011) 73 finali – 2011/0043 (NLE) – il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013)COM(2011) 74 finali – 2011/0044 (NLE)

127

2011/C 318/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b’rabta ma’ proprjetà residenzjaliCOM(2011) 142 finali – 2011/0062 (COD)

133

2011/C 318/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 521/2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-IdroġenuCOM(2011) 224 finali – 2011/0091 (NLE)

139

2011/C 318/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegiCOM(2010) 682 finali

142

2011/C 318/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali EwropewCOM(2010) 343

150

2011/C 318/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011COM(2011) 109 finali

155

2011/C 318/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni)COM(2011) 245 finali – 2011/0105 COD

163

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-473 sessjoni plenarja fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tas-suq tax-xogħol Ewropew – It-tfittxija ta’ risposta effikaċi għall-iżvilupp demografiku” (opinjoni esploratorja)

2011/C 318/01

Relatur: is-Sur GREIF

B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2010, is-Segretarju tal-Istat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Polonja Mikołaj Dowgielewicz, f’isem il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni dwar:

Il-futur tas-suq tax-xogħol Ewropew – It-tfittxija ta’ risposta effikaċi għall-iżvilupp demografiku.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’120 voti favur u 11-il vot kontra.

1.   Konklużjonijiet

1.1

F’din l-opinjoni l-KESE poġġa dawn l-aspetti tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol fil-qalba tal-ħidma tiegħu:

a)

l-użu għaqli tal-potenzjal ta’ impjieg eżistenti fil-gruppi ta’ età kollha bħala approċċ ċentrali biex tingħeleb l-isfida demografika;

b)

l-opportunitajiet u l-bżonnijiet tal-użu msaħħaħ tal-potenzjal ta’ impjieg ta’ persuni mdaħħla fl-età kif ukoll l-importanza dejjem tikber tal-“ġenerazzjoni tal-fidda” għall-ekonomija b’mod ġenerali;

c)

l-elementi ċentrali tal-bidla meħtieġa biex tinħoloq dinja tax-xogħol rispettuża tad-diversi gruppi ta’ età;

1.2

L-iktar strateġija effettiva fir-rigward tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa hija dik ta’ użu mill-ikbar tal-potenzjal ta’ impjieg disponibbli. Dan jista’ biss jinkiseb permezz ta’ politika tat-tkabbir immirata u żieda fl-impjiegi ta’ kwalità bl-obbligu tal-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali.

L-isforzi favur żieda fil-kwoti tal-impjegar tal-persuni mdaħħla fl-età, l-aktar permezz ta’ interventi fl-iskemi tal-pensjoni, li jirriżultaw f’deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess u eliġibbiltà, fuq kollox suġġerimenti għal żieda fl-età legali tal-pensjoni, mhumiex risposta tajba għat-tixjiħ tas-soċjetà.

Mhumiex ir-relazzjonijiet demografiċi (bejn dawk imdaħħlin fl-età u l-persuni fl-età tax-xogħol) li jiddefinixxu l-ħtieġa futura ta’ finanzjament għall-iżgurar tal-pensjonijiet; huwa pjuttost l-iżvilupp tar-rata ta’ dipendenza ekonomika, jiġifieri tar-relazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-ħaddiema attivi, li huwa ta’ importanza kruċjali.

Jekk fid-deċennji li ġejjin ikun possibbli li l-persuni fl-età li jaħdmu jiġu integrati b’mod kosiderevolment imtejjeb fid-dinja tax-xogħol madwar l-UE, iż-żieda fid-dipendenza ekonomika tinżamm f’limiti kontrollabbli.

1.3

L-isfruttament tal-potenzjal eżistenti ta’ impjieg jitlob li b’mod wiesa’ nadottaw politika li tipprovdi opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni. Din tinkludi l-adattament tad-dinja tax-xogħol għall-bżonnijiet tal-persuni mdaħħla fl-età u l-iżvilupp estensiv tat-taħriġ u l-edukazzjoni, il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja u produttivi, l-iżgurar ta’ sistemi effiċjenti tas-sigurtà soċjali kif ukoll miżuri komprensivi għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja, eċċ.

1.4

L-iżvilupp demografiku jġib ukoll opportunitajiet għall-ekonomija u l-impjieg. Minn banda, il-persuni mdaħħla fl-età qed isiru dejjem iktar importanti bħala klijenti, u dan joħloq opportunitajiet ta’ impjieg anke għal gruppi ta’ età oħra. Mill-banda l-oħra, it-tixjiħ fis-soċjetà għandu wkoll potenzjal ta’ impjieg konsiderevoli min-naħa tal-offerta.

L-għadd u l-kwalità tal-postijiet tax-xogħol, li jirriżultaw mill-“potenzjal ekonomiku tat-tixjiħ” ser jiddependu b’mod determinanti minn kif l-“ekonomija anzjana” tiġi strutturata permezz ta’ politika attiva tas-servizzi.

B’mod partikolari, fil-qasam tas-saħħa u tal-kura, iżda wkoll f’setturi oħra, ser jiddependi minn jekk iż-żieda fid-domanda tintużax bħala opportunità biex jiġu offruti impjiegi b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u bi ħlas iktar ġust, kif ukoll biex jiġu modernizzati u professjonalizzati l-profili tal-kwalifiki.

1.5

Sabiex l-età tal-irtirar titmexxa ’l quddiem, jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jaħdmu għal żmien itwal. Dan ifisser li jridu jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda li jkunu organizzati b’tali mod li jkunu jistgħu jinżammu sal-età legali tal-pensjoni. Dan jitlob li jiġu adattati għal dinja tax-xogħol rispettuża tal-persuni iktar imdaħħla fl-età.

Dan jinvolvi mhux biss l-adattament immirat tal-postijiet tax-xogħol għall-persuni mdaħħla fl-età iżda wkoll li x-xogħol stess jiġi organizzat b’tali mod li jkun jista’ jakkomoda l-proċess tat-tixjiħ fil-fażijiet kollha tal-karriera.

Iżda dan jitlob ukoll serje ta’ miżuri konkreti sabiex tingħata l-possibbiltà li persuni fil-gruppi ta’ età kollha jkollhom l-okkażjoni fil-prattika li jsibu impjieg u li jaħdmu fih iktar fit-tul.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll l-ambjent tax-xogħol għandhom jiġu adattati għal forza tax-xogħol ta’ etajiet differenti. Id-diskriminazzjoni u l-cliches negattivi fir-rigward ta’ impjegati iktar imdaħħla fl-età għandhom jiġu miġġielda.

Il-miżuri kollha għandhom jikkunsidraw ir-responsabbiltà tas-settur pubbliku u tal-intrapriżi kif ukoll il-volontà tal-individwi li jaħdmu iktar. Dan jinkludi d-disponibbiltà tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja u l-prevenzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

1.6

Hemm bżonn ta’ adattament komprensiv tad-dinja tax-xogħol, li fih l-imsieħba soċjali kollha fil-livelli kollha jkollhom rwol speċjali. F’punt 6.5 ta’ din l-opinjoni l-KESE jippreżenta pakkett ta’ proposti konkreti li għandhom iwasslu għal dinja tax-xogħol rispettuża tal-persuni mdaħħla fl-età. Naturalment dan m’għandu jwassal la għal pressjoni miżjuda fuq il-persuni mdaħħla fl-età u lanqas għal sitwazzjonijiet diffiċli għal dawk li m’għadhomx f’pożizzjoni li jaħdmu.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE kemm-il darba tkellem dwar it-tendenzi demografiċi u, fost affarijiet oħra, enfasizza li l-isfidi marbutin mat-tixjiħ tas-soċjetà jeħtieġu strateġiji globali fis-swieq tax-xogħol. Għal dan ġiet ikkunsidrata s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ impjegati iktar imdaħħla fl-età f’diversi kuntesti kif ukoll l-opportunitajiet u l-bżonnijiet ta’ użu msaħħaħ tal-potenzjal ta’ impjieg tal-persuni iktar imdaħħla fl-età kif ukoll gruppi prijoritarji oħra fis-suq tax-xogħol (1).

2.2

Fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-iżvilupp demografiku fuq il-pensjonanti, il-KESE osserva b’mod ċar li l-bidla spiss promossa għal sistemi tal-pensjoni ffinanzjati mhijiex risposta suffiċjenti għat-tixjiħ tas-soċjetà (2). Dan la mhu ser ibaxxi l-ispejjeż u lanqas jillimita r-riskji. U lanqas ma jwassal għall-iffrankar ta’ spejjeż, iżda normalment għal żieda jew, fl-aħjar każ, għal trasferiment tal-ispejjeż, filwaqt li ma jżidx ukoll is-sikurezza, iżda joħloq dipendenza mis-swieq kapitali, u b’hekk riskju akbar fil-qasam tal-pensjonijiet tax-xjuħija. Il-KESE esprima wkoll ix-xettiċiżmu qawwi tiegħu rigward l-idea ta’ żieda fl-età statutorja tal-irtirar bħala kontribut utli biex jingħelbu l-isfidi demografiċi. Dak li hemm bżonn pjuttost huwa li l-età tal-irtirar fil-prattika titqarreb lejn dik stipulata mil-liġi.

2.3

Fuq l-isfond tat-tibdil demografiku mħabbar (staġnar jew tnaqqis tal-għadd ta’ persuni fl-età li jaħdmu), il-KESE kompla jinsisti li l-approċċi adatti biex jingħelbu l-isfidi marbutin ma’ soċjetà li qed tixjieħ jinsabu f’politiki tat-tkabbir immirati u fiż-żieda fl-impjiegi ta’ kwalità b’obbligi soċjali. Dan jgħodd għall-persuni mdaħħla fl-età kif ukoll għall-persuni iżgħar. Minn dan se jiddependi wkoll l-iżgurar sostenibbli tal-pensjonijiet. Jiġifieri, l-aħjar mod kif tista’ tiġi żgurata s-sistema tal-pensjonijiet jikkonsisti f’livell massimu ta’ impjiegi u dħul tajjeb.

2.4

B’rabta ma’ dan, il-KESE dejjem enfasizza l-bżonn li jiġi użat il-potenzjal ta’ impjieg li għadu disponibbli (nisa bit-tfal, żgħażagħ, żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, persuni bi kwalifiki baxxi, persuni b’diżabbiltà, persuni bi żvantaġġ fiżiku, eċċ.) kif ukoll il-potenzjal tal-persuni mdaħħla fl-età. Innota b’dispjaċir li minkejja titjib konsiderevoli fl-aħħar 10 snin, il-parteċipazzjoni fis-suq tal-persuni mdaħħla fl-età għadha ferm iktar baxxa mill-objettivi Ewropej.

2.5

Il-KESE kkunsidra wkoll setturi lil hinn mis-suq tax-xogħol li huma rilevanti għall-iżvilupp demografiku fis-soċjetajiet Ewropej (fosthom il-politika tal-familja u r-rati tat-twelid, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, eċċ.) (3). Dawn it-temi mhux ser jiġu indirizzati aktar f’din l-opinjoni esploratorja. L-enfasi, b’rabta mal-ħidma tal-Presidenza Pollakka tal-Kunsill li ġejja, għandha titpoġġa pjuttost fuq l-aspetti tal-politiki tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li ġejjin:

a)

użu xieraq tal-potenzjali ta’ impjieg disponibbli fil-gruppi ta’ età kollha f’suq tax-xogħol inklużiv;

b)

l-opportunitajiet u l-bżonnijiet tal-użu msaħħaħ tal-potenzjal ta’ impjieg ta’ persuni mdaħħla fl-età kif ukoll l-importanza dejjem tikber tal-“ġenerazzjoni tal-fidda”;

c)

l-elementi ċentrali tal-bidla meħtieġa biex tinħoloq dinja tax-xogħol rispettuża tad-diversi gruppi ta’ età;

2.6

Il-KESE huwa tal-fehma li, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ politika ppreżentat f’din l-opinjoni hija fil-biċċa l-kbira r-responsabbiltà tal-Istati Membri tal-UE, dawn jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kooperazzjoni fil-livell Ewropew. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-Grupp ta’ Esperti tal-Kwistjonijiet Demografiċi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat tal-Impjieg u l-Kumitat tal-Ħarsien Soċjali biex jiġi żgurat li ż-żewġ kumitati, fil-ħidma tagħhom, jibbenefikaw kontinwament mill-għarfien dwar l-iżvilupp demografiku, mill-analiżi u mill-aħjar prattiki nazzjonali fl-integrazzjoni effettiva tal-persuni ta’ kull età – b’mod partikolari l-persuni mdaħħla fl-età – fis-suq tax-xogħol.

3.   Integrazzjoni mtejba fix-xogħol: risposta ewlenija għat-tixjiħ tal-popolazzjoni

3.1

Fid-deċennji li ġejjin, il-pajjiżi kollha tal-UE se jirreġistraw żieda sostanzjali fl-għadd ta’ persuni mdaħħla fl-età. Fl-istess ħin, għall-medja tal-UE qed jitbassar tnaqqis fl-għadd ta’ persuni fl-età tax-xogħol. It-tnejn flimkien iwassluna biex nistennew żieda sostanzjali fir-rata ta’ dipendenza demografika  (4), li skont projezzjonijiet tal-popolazzjoni mill-EUROSTAT, kważi se tirdoppja sas-sena 2050 madwar l-UE mis-26 % tal-lum għal 50 %.

3.2

Ta’ spiss din iż-żieda kbira fir-rata ta’ persuni mdaħħla fl-età titqies, mingħajr ħsieb ta’ xejn, bħala żieda korrispondenti fil-piż fuq is-sistemi soċjali, u b’hekk tinsilet il-konklużjoni li s-sistemi tal-pensjoni eżistenti m’għadhomx adegwati għall-futur. Ir-relazzjonijiet purament demografiċi, però, ma jgħidulniex ħafna dwar iċ-ċirkostanzi ekonomiċi reali. Għal kwistjonijiet, pereżempju, ta’ finanzjament tal-istat soċjali, mhijiex ir-rata ta’ dipendenza demografika li hija essenzjali, iżda r-rata ta’ dipendenza ekonomika, jiġifieri b’mod partikolari l-għadd ta’ pensjonanti, persuni li jirċievu benefiċċji minħabba kapaċità mnaqqsa ta’ qligħ u persuni qiegħda f’relazzjoni mal-għadd ta’ ħaddiema li bil-kontribuzzjonijiet u t-taxxi tagħhom jiffinanzjaw it-trasferimenti soċjali. Barra minn hekk iż-żieda fil-produttività ekonomika tax-xogħol hija importanti ħafna wkoll jekk tippermetti li t-“torta” li tinqasam bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux tkun ikbar.

3.3

L-użu qarrieqi tar-rata ta’ dipendenza purament demografika u l-ekwazzjoni li ssir ta’ spiss tal-għadd ta’ persuni fl-età tax-xogħol mal-għadd ta’ persuni li qed jaħdmu ma jirriflettux ir-realtà u jdennsu l-ħarsa lejn soluzzjonijiet adegwati għall-problema. Bħalissa d-dipendenza ekonomika qed taqbeż id-doppju tar-relazzjoni purament demografika tal-persuni minn 65 sena ’l fuq mal-persuni fl-età tax-xogħol. Ir-raġuni ewlenija ta’ dan hija li qegħdin ’il bogħod minn sitwazzjoni fejn il-persuni kollha fl-età tax-xogħol ikollhom post tax-xogħol:

iktar minn 23 miljun persuna jinsabu mingħajr xogħol bħalissa fl-UE;

ħafna nies fl-età li jaħdmu kellhom jirtiraw kmieni għal raġunijiet ta’ saħħa;

oħrajn mhumiex integrati fid-dinja tax-xogħol għal raġunijiet oħra (persuni li qed jitħarrġu, persuni responsabbli għall-kura ta’ qraba tagħhom, nisa u rġiel tad-dar, eċċ.);

hemm ukoll ħafna każijiet ta’ persuni b’diżabbiltà li jiltaqgħu ma’ ostakoli fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluża d-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni.

3.4

L-idea bażika tar-relazzjoni ta’ dipendenza ekonomika hija li mhux l-età biss iżda wkoll l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala parametri importanti tal-kalkolu tal-konsegwenzi tal-iżviluppi demografiċi f’pajjiż (5). Fid-dawl ta’ dan, fil-fehma tal-KESE huwa ta’ importanza kbira li wieħed jagħti aktar attenzjoni lir-rabta bejn l-żvilupp tas-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tar-rati ta’ dipendenza ekonomika sabiex jasal għar-risposti korretti għall-isfida demografika.

3.5

Anke jekk it-tixjiħ tal-popolazzjoni iseħħ sal-punt imħabbar attwalment, it-tendenzi tad-dipendenza ekonomika ser ivarjaw ħafna skont it-tendenzi fis-suq tax-xogħol. B’hekk, jekk ikun possibbli li jiżdied b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ nies fl-età li jaħdmu fil-popolazzjoni attiva tal-UE fid-deċennji li ġejjin (b’żieda fil-livell ta’ impjieg għal dak tal-iktar Stat Membru effikaċi), iż-żieda fil-proporzjon ta’ dipendenza ekonomika ser tibqa’ f’limiti relattivament stretti, minkejja t-tixjiħ perċettiv tas-soċjetà. (6)

3.6

Xi snin ilu, il-Kummissjoni Ewropea wkoll innutat li fl-aħħar mill-aħħar, l-età mhijiex daqstant rilevanti biex jingħelbu l-isfidi demografiċi, iżda li huwa l-istatus reali tax-xogħol tal-persuni fl-età li jaħdmu li huwa rilevanti fil-ġestjoni tal-isfidi demografiċi:

Il-popolazzjoni attiva fil-fatt hija ħafna iżgħar mill-grupp tal-persuni tal-età ta’ bejn il-15 u l-64 sena (…) Hemm lok konsiderevoli għal żieda fl-impjiegi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, u b’konsegwenza ta’ dan, hemm opportunità biex jintlaħaq bilanċ ħafna aktar favorevoli bejn il-popolazzjoni li qiegħda taħdem u l-persuni mdaħħla fl-età li jkunu rtiraw. (…) Dan juri l-importanza ta’ żieda fil-livelli ta’ impjieg fl-UE. Ta’ min jiddiskutiha bħala l-aktar strateġija effikaċi li permezz tagħha l-pajjiżi jistgħu jippreparaw għat-tixjiħ tal-popolazzjoni.  (7)

3.7

Dan ifisser li fir-rigward tat-tixjiħ fl-Ewropa, l-użu sistematiku tal-potenzjal eżistenti ta’ impjieg jidher li huwa bil-wisq l-aktar strateġija effikaċi, anke fil-fehma tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin huwa naturalment indispensabbli li l-produttività tax-xogħol tkompli tiżdied, sabiex jiġu ggarantiti standards ta’ għajxien iktar għoljin. Jekk wieħed iqis iż-żewġ rekwiżiti flimkien, isir ċar li r-rispons ewlieni għall-isfida demografika għandu jkun politika mmirata tat-tkabbir flimkien ma’ żieda fil-livelli ta’ impjieg. Bi prinċipju, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, ir-riżorsi umani meħtieġa huma disponibbli fi kwantità suffiċjenti. Il-kwistjoni ewlenija tirrigwarda l-mod adegwat ta’ kif għandu jiġi stimulat u akkumpanjat il-proċess ta’ integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

3.8

Il-ħtieġa, però, li jiġi użat il-potenzjal ta’ impjieg eżistenti ma tillimitax ruħha għall-ħaddiema mdaħħla fl-età, iżda tirrigwarda l-gruppi ta’ età kollha. Dan jeħtieġ sforz intensiv għat-titjib tal-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ ċerti gruppi ta’ persuni żvantaġġati fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ impjieg. F’dan il-kuntest, il-KESE diġà stqarr kemm-il darba li l-iffaċċjar tal-bidla demografika jitlob kunċett ġenerali li jindirizza għadd kbir ta’ aspetti ekonomiċi, soċjali u politiċi, filwaqt li f’dan il-qafas anke l-immigrazzjoni legali tista’ tkun parti mir-risposta (8).

3.9

Fil-fehma tal-KESE, jidher biċ-ċar li l-isfruttament tal-potenzjal ta’ impjieg eżistenti jitlob li b’mod konsistenti nadottaw politika u prattika intraprenditorjali li jipprovdu opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni:

prevenzjoni tal-qgħad u l-emarġinazzjoni tal-persuni mdaħħla fl-età waqt ir-reċessjoni (permezz tal-politika korrispondenti ta’ domanda antiċiklika);

provvediment ta’ aktar opportunitajiet ta’ dħul fid-dinja tax-xogħol u perspettivi ta’ impjiegi mtejba għaż-żgħażagħ u għal dawk żvantaġġati fl-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

provvediment ta’ offerta wiesgħa ta’ taħriġ professjonali u tul il-ħajja (pereżempju, bi dritt legali għal-leave għat-taħriġ);

tnaqqis tar-rati ta’ invalidità permezz ta’ protezzjoni ta’ kwalità għolja ta’ saħħet il-ħaddiema pprovduta minn intrapriżi individwali jew minn aktar intrapriżi filmkien, miżuri komprensivi għall-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll għall-prevenzjoni u r-riabilitazzjoni;

tneħħija tal-ostakoli għall-impjieg għall-persuni b’diżabbiltà permezz ta’ postijiet tax-xogħol iktar inklużivi, pereżempju b’aċċessibbiltà fiżika, aċċessibbiltà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u ta’ skemi ta’ ħidma flessibbli, bl-użu ta’ fondi pubbliċi fejn hemm bżonn;

żieda sostanzjali fl-isforzi għall-appoġġ tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u tal-familja sabiex l-obbligi familjari jinqasmu b’mod iktar ġust.

3.10

F’dan il-kuntest, l-imsieħba soċjali Ewropej laħqu ftehim awtonomu f’Marzu 2010 b’proposti kemm għal miżuri indirizzati għall-imsieħba soċjali nazzjonali kif ukoll rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet nazzjonali. (9)

3.11

Iżda dan ifisser ukoll żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-persuni iktar imdaħħla fl-età permezz tal-ftuħ u t-titjib tal-opportunitajiet tax-xogħol kif ukoll tat-tibdil konsegwenti favur dinja tax-xogħol li tirrispetta lill-persuni mdaħħla fl-età. Naturalment dan m’għandu jwassal la għal pressjoni miżjuda fuq il-persuni mdaħħla fl-età u lanqas għal sitwazzjonijiet diffiċli għal dawk li m’għadhomx f’pożizzjoni li jaħdmu. L-irtirar huwa dritt rikonoxxut mill-konvenzjonijiet tal-ILO (10), u l-pensjonijiet għandhom jippermettu lil min jirċevihom li jkollu ħajja deċenti.

4.   Is-sitwazzjoni attwali tal-persuni mdaħħla fl-età fis-suq tax-xogħol tal-UE

4.1

Madwar l-UE kollha, il-potenzjal ta’ impjieg tal-ħaddiema mdaħħla fl-età (bejn il-55 u l-64 sena) għadu mhux qed jiġi użat biżżejjed. Il-figura 1 turi li minn bażi baxxa ħafna, intlaħaq progress sostanzjali waqt il-perjodu tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Ir-rati ta’ impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età żdiedu bi kważi 10 punti perċentwali.

4.2

Madankollu l-għan stabbilit (50 %) sal-2010 ma ntlaħaqx. It-titjib kien ftit ikbar għan-nisa milli għall-irġiel. Iżda d-distakk bejn in-nisa u l-irġiel baqa’ tassew kbir: fl-aħħar tal-perjodu, mhux ħafna aktar minn terz tan-nisa bejn 55 u 64 sena kellhom impjieg (figura 1).

Figura 1:

Image

4.3

It-tqabbil mal-iżvilupp tal-impjieg ta’ gruppi ta’ età oħrajn huwa interessanti. L-għadd ta’ persuni mdaħħla fl-età b’xogħol jiżdied filwaqt li dak taż-żgħażagħ jonqos (figura 2). Dan huwa fuq kollox dovut għall-perjodi itwal ta’ taħriġ. Madankollu fis-sena ta’ kriżi tal-2009 nstab li l-impjieg naqas b’mod drastiku fost iż-żgħażagħ. Dan jimmarka differenza fir-rigward ta’ kriżijiet preċedenti, li ġew fuq kollox ġestiti bi ħsara għall-ħaddiema iktar imdaħħla fl-età. Dan jenfasizza l-fatt li l-problemi f’settur (hawn: fost il-persuni mdaħħla fl-età) ma jistgħux jiġu solvuti b’miżuri li huma ta’ ħsara għal gruppi oħra (iż-żgħażagħ).

Figura 2:

Image

4.4

Il-figura 3 turi differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE: fl-Isvezja 70 % tal-persuni mdaħħla fl-età għandhom impjieg (dan jikkorrispondi għall-għan ta’ Lisbona għall-impjieg b’mod ġenerali). F’xi pajjiżi oħrajn, madwar terz biss tal-persuni bejn il-55 u l-64 sena jaħdmu. Ta’ min jenfasizza b’mod partikolari r-riżultati tajbin tat-tliet pajjiżi tat-Tramuntana (l-Isvezja, id-Danimarka u l-Finlandja). Madankollu, lil hinn minn dan ma tista’ tinstab l-ebda korrelazzjoni mat-tipi tradizzjonali tas-sistemi tal-istat assistenzjali fl-Ewropa. Jidher li r-rati għolja ta’ impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età huma kompatibbli ma’ diversi strutturi istituzzjonali. F’kull każ, id-differenzi deskritti fil-qosor jagħtu ħjiel ta’ x’potenzjal ta’ impjieg mhux użat hawn bħalissa fl-Ewropa.

Figura 3:

Image

4.5

Fejn jidħol il-qgħad, mal-ewwel daqqa t’għajn is-sitwazzjoni tal-persuni mdaħħla fl-età ma tidhirx aktar drammatika mill-medja. B’hekk ir-rata ta’ qgħad tal-persuni mdaħħla fl-età fl-UE u f’ħafna pajjiżi hija ftit iktar baxxa mir-rata globali. Iżda din hija biss in-naħa l-oħra tar-rati tal-qgħad ferm għoljin li hawn fost iż-żgħażagħ. Ta’ min ifakkar madankollu li dawn iċ-ċifri ġejjin ukoll mill-fatt li ħafna persuni mdaħħla fl-età li fil-prinċipju huma kapaċi jaħdmu iżda ma jaħdmux, mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, iżda jinsabu “pparkjati” f’diversi “sistemi ta’ lqugħ”.

4.6

Madankollu ir-riskju tal-qgħad fit-tul li qed jiffaċċjaw in-nies imdaħħla fl-età huwa drammatiku. Dan jiżdied mal-età b’mod rapidu. Ġaladarba jkunu qiegħda, il-persuni mdaħħla fl-età ħafna drabi jibqgħu mingħajr xogħol sal-aħħar tal-karriera tagħhom: jekk fost iż-żgħażagħ kwart mill-qiegħda ilhom iktar minn sena mingħajr xogħol, dan il-persentaġġ jogħla bl-età u fost il-persuni mdaħħla fl-età (55-64) jinsab fil-medja Ewropea madwar il-50 %.

5.   L-użu tal-potenzjal ta’ impjieg ta’ soċjetà li qed tixjieħ: ix-xogħol għall-persuni mdaħħla fl-età u x-xogħol li jagħmlu

5.1

L-iżvilupp demografiku jġib ukoll opportunitajiet għall-ekonomija u l-impjieg. Minn banda, il-persuni mdaħħla fl-età qed isiru dejjem iktar importanti bħala klijenti, u dan joħloq opportunitajiet ta’ impjieg anke għal gruppi ta’ età oħra. Mill-banda l-oħra, it-tixjiħ fis-soċjetà għandu wkoll potenzjal ta’ impjieg konsiderevoli min-naħa tal-offerta. Fiż-żewġ każijiet il-proċessi naturali u tas-suq iridu jiġu akkumpanjati u rregolati mill-politiki u l-istituzzjonijiet.

5.2

Is-soċjetajiet fejn il-persuni jgħixu iktar joffru possibbiltajiet wiesgħa għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda. Bosta oqsma jistgħu jibbenefikaw mis-“suq tal-fidda”. Dawn imorru mill-bini u l-akkomodazzjoni u servizzi importanti għall-kwalità tal-ħajja (kultura, rekreazzjoni, turiżmu, sport, mezzi tax-xandir, telekomunikazzjoni) sas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali.

5.3

Iż-żgħażagħ u l-persuni iktar imdaħħla fl-età huma differenti fl-imġiba tagħhom rigward il-konsum u l-iffrankar. Il-bidla fid-domanda tas-soċjetà li dan jirrappreżenta għandha wkoll impatt fuq l-istrutturi ta’ produzzjoni u impjieg tal-ġejjieni. B’hekk wieħed jista’ jistenna li l-iżvilupp demografiku ser isaħħaħ it-tendenza diġà qawwija lejn soċjetà ta’ servizzi. Is-setturi tas-servizzi tas-saħħa u l-kura b’mod partikolari ser jikbru b’mod sproporzjonat. Dawn il-bidliet settorjali ser jikkoinċidu ma’ oħrajn dovuti għal raġunijiet oħra (“green transition”). Sa ċertu punt is-suq ser jadatta għad-domanda l-ġdida, iżda xorta ser ikun hemm rwol ta’ strutturar u regolazzjoni għall-intervent politiku, fuq kollox b’politika tax-xogħol proattiva fir-rigward tat-taħriġ, l-informazzjoni u l-impjieg permezz ta’ istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

5.4

L-għadd u l-kwalità tal-postijiet tax-xogħol, li jirriżultaw mill-“potenzjal ekonomiku tat-tixjiħ” ser jiddependu b’mod determinanti minn kif l-“ekonomija tal-fidda” tiġi strutturata permezz ta’ politika attiva tas-servizzi. B’mod partikolari, fil-qasam tas-saħħa u tal-kura, iżda wkoll f’setturi oħra, ser jiddependi minn jekk iż-żieda fid-domanda tintużax bħala opportunità biex jiġu offruti impjiegi b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u bi ħlas iktar ġust, kif ukoll biex jiġu modernizzati u professjonalizzati l-profili tal-kwalifiki. Sabiex iktar nies jitħajru jagħżlu impjieg fl-oqsma tas-saħħa, il-kura u s-servizzi soċjali, ix-xogħol għandu jsir iktar attraenti matul il-ħajja professjonali kollha.

5.5

Is-servizzi soċjali professjonalizzati jistgħu jkunu wkoll strument biex jintlaħqu objettivi ambizzjużi ta’ ugwaljanza. Offerta tajba ta’ servizzi soċjali (ċentri għall-kura tat-tfal u servizzi ta’ kura) tikkontribwixxi biex il-persuni li jagħtu l-kura (fil-biċċa l-kbira nisa) jkollhom inqas xogħol u biex il-kwalifiki tagħhom jintużaw għalkollox fis-suq tax-xogħol.

5.6

L-investimenti fis-servizzi soċjali ma jikkontribwixxux biss għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda iżda wkoll biex tiġi attivata l-ekonomija reġjonali. Il-provvista ta’ aċċess wiesa’ bi prezz raġonevoli għal servizzi ta’ kwalità għolja toffri potenzjal ta’ impjieg addizzjonali. L-inizjattivi fis-settur mingħajr qligħ, b’mod speċjali fl-ekonomija soċjali, għandhom rwol importanti x’jaqdu wkoll. L-awtoritajiet lokali b’hekk jiksbu rwol speċjali: m’għandhomx biss ir-responsabbiltà prinċipali għas-servizzi soċjali, iżda wkoll huma iktar familjari mal-bżonnijiet u l-kundizzjonijiet fuq il-post. L-ikbar problema madankollu hija li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali m’għandhomx ir-riżorsi finanzjarji biex joffru s-servizzi meħtieġa.

5.7

Min-naħa tal-offerta, wieħed għandu jinnota li l-ħaddiema mdaħħla fl-età u żgħażagħ ma jissostitwixxux lil xulxin sempliċement: filwaqt li ż-żgħażagħ b’mod ġenerali jitgħallmu b’iktar flessibbiltà, il-persuni mdaħħla fl-età jġibu l-esperjenza. Anke jekk il-produttività tal-individwi tonqos f’ċerti livelli (pereżempju fil-prestazzjoni fiżika), dan jista’ jiġi parzjalment ikkumpensat permezz ta’ tibdil fl-organizzazzjoni tax-xogħol, taħriġ adatt, miżuri ta’ kura preventiva kif ukoll permezz tal-użu effettiv ta’ teknoloġiji fil-post tax-xogħol.

5.8

Il-bidla settorjali lejn is-servizzi tista’ saħansitra twassal għal titjib tas-sitwazzjoni tal-persuni mdaħħla fl-età: f’ħafna oqsma l-isforz fiżiku qed isir inqas importanti filwaqt li l-ħiliet soċjali qed isiru iktar meħtieġa. Għalhekk il-kumpaniji m’għandhomx jiffokaw esklużivament fuq l-impjegati żgħażagħ. Il-produttività ta’ kumpanija mhijiex sempliċement il-produttività tal-ħaddiema kollha f’daqqa. Iż-żamma tan-know-how akkumulat fuq il-bażi tal-ġestjoni interna tal-għarfien u l-istruttura tal-organizzazzjoni ħafna drabi huma iktar importanti mill-produttività individwali. L-isforzi għall-professjonalizzazzjoni fl-oqsma tal-konsulenza, il-mentoring u l-coaching għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan il-kuntest. Fl-aħħar, hija wkoll kwistjoni li l-kumpaniji jintegraw il-bidla demografika fl-iżvilupp tar-riżorsi umani tagħhom sa minn stadju bikri, u jikkombinaw bl-aqwa mod is-saħħa tal-ħaddiema ta’ diversi kategoriji ta’ età.

6.   L-adattament tad-dinja tax-xogħol għall-bżonnijiet tal-persuni mdaħħla fl-età

6.1

Sabiex l-età tal-irtirar titmexxa ’l quddiem, jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li n-nies ikunu jistgħu jaħdmu għal żmien itwal. Dan ifisser li għandhom jinħolqu postijiet tax-xogħol li jkunu ddisinjati b’tali mod li n-nies verament ikunu jistgħu jaħdmu sal-età statutorja tal-irtirar. Dan jinvolvi mhux biss l-adattament immirat tal-postijiet tax-xogħol għall-persuni mdaħħla fl-età iżda fuq kollox li x-xogħol stess għandu jiġi organizzat b’tali mod li minn kmieni jiġu evitati r-riskji u l-effetti ta’ ħsara għas-saħħa. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema f’kull fażi ta’ ħajjithom.

6.2

Għalkemm ovvjament huwa importanti li l-ħaddiema jerfgħu r-responsabbiltà li jżommu l-impjegabbiltà tagħhom stess, għandu jiġi nnutat li r-raġunijiet ewlenin għall-irtirar bikri jinkludu l-problemi tas-saħħa kkawżati minn kundizzjonijiet tax-xogħol fiżikament u mentalment diffiċli, intensità kbira ta’ xogħol, tkeċċija bikrija tal-ħaddiema iktar imdaħħla fl-età, kif ukoll min-nuqqas ta’ taħriġ tul il-ħajja u opportunitajiet ta’ impjieg addizzjonali. B’żieda ma’ dan, il-forom ġodda ta’ kif qed jiġi organizzat ix-xogħol qed jillimitaw aktar u aktar il-possibbiltajiet biex il-persuni mdaħħla fl-età jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu f’oqsma b’kundizzjonijiet tax-xogħol inqas diffiċli fl-istess intrapriża.

6.3

Madankollu, ir-rata ta’ impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età ma tistax togħla sempliċement billi dawn jinżammu f’kundizzjoni fiżika tajba biex jaħdmu u billi x-xogħolhom isir iktar attraenti għal min iħaddem. L-impjiegi disponibbli għall-persuni mdaħħla fl-età għandhom isiru iktar attraenti. Il-kwalità tal-impjieg b’hekk tiddetermina jekk il-ħaddiema jmorrux lura għas-suq tax-xogħol jew jibqgħux hemm.

6.4

Hija biss politika konxja ta’ “tixjiħ attiv” b’opportunitajiet wiesgħa ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ li tista’ tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata tal-okkupazzjoni tal-persuni mdaħħla fl-età. Il-mistoqsija kruċjali f’dan il-kuntest hija: liema miżuri huma meħtieġa biex il-persuni mdaħħla fl-età jkollhom effettivament l-opportunità li jsibu impjieg u jibqgħu fih għal żmien itwal?

6.5

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ bidliet sistematiċi biex il-kundizzjonijiet isiru favorevoli għall-persuni mdaħħla fl-età fuq il-bażi ta’ pakkett ta’ miżuri, fosthom:

inċentivi għall-kumpaniji biex jinħolqu impjiegi adatti għall-ħaddiema mdaħħla fl-età u biex tinżamm is-sitwazzjoni ta’ impjieg attwali tal-ħaddiema mdaħħla fl-età (permezz ta’ miżuri li jipprevienu t-tkeċċija bikrija mix-xogħol, kif ukoll skemi innovattivi biex il-ħaddiema mdaħħla fl-età jinżammu f’setturi inqas difficli);

politika proattiva tas-suq tax-xogħol favur ir-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol ta’ persuni qiegħda mdaħħla fl-età kif ukoll favur tnaqqis fir-riskju tal-qgħad fit-tul; jiġifieri anke provvista ta’ fondi rilevanti għal politika attiva tas-suq tax-xogħol;

konsulenza komprensiva u appoġġ għal min qed ifittex ix-xogħol kif ukoll sostenn għall-medjazzjoni individwali (pereżempju impjieg issussidjat, appoġġ għall-integrazzjoni fl-impjieg, proġetti soċjali mingħajr skop ta’ qligħ) u, fejn meħtieġ, miżuri ta’ riabilitazzjoni għar-reintegrazzjoni permanenti;

miżuri sabiex il-ħaddiema jsiru iktar kapaċi fiżikament u mentalment li jibqgħu attivi fix-xogħol għal aktar żmien, fuq kollox billi jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq ix-xogħol u billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu adattati (eż. inċentivi għall-iżvilupp tal-protezzjoni tal-ħaddiema u tas-saħħa, it-tnedija ta’ programmi azjendali għall-promozzjoni tas-saħħa) filwaqt li jitqies il-fatt li d-diffikultà ta’ ċerti xogħlijiet toħloq ċerti limiti;

miżuri li jtejbu l-inklużività tal-postijiet tax-xogħol għall-persuni mdaħħla fl-età b’diżabbiltà, pereżempju permezz ta’ adattamenti li jistgħu jżidu l-aċċessibbiltà fiżika u l-faċilità ta’ użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

miżuri li jtejbu l-volontà tal-persuni li jaħdmu għal żmien itwal, li għandhom jikludu attitudni pożittiva fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja u l-kura preventiva;

l-iżvilupp ta’ mudelli tax-xogħol tajbin għas-saħħa li jkunu nnegozjati bejn l-imsieħba soċjali fil-livell settorjali u tal-kumpanija, li jkopru l-karriera kollha tal-persuni (eż. perjodi sabbatiċi, leave għat-taħriġ);

miżuri pprovduti mill-intrapriżi, mill-ftehimiet kollettivi u mil-liġi għall-iżgurar ta’ parteċipazzjoni msaħħa tal-persuni mdaħħla fl-età fl-edukazzjoni u t-taħriġ (inċentivi biex jitneħħa n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ addizzjonali pprovdut mill-intrapriżi, fuq kollox ta’ dawk bi kwalifiki baxxi, żgurar ta’ fondi rilevanti għat-tagħlim lill-adulti fis-sens ta’ inizjattiva favur il-ksib ta’ kwalifiki għall-persuni ’l fuq mill-erbgħin sena, titjib tal-qafas legali għal-leave għall-edukazzjoni);

miżuri li jżidu l-kuxjenza dwar il-ħaddiema mdaħħla fl-età (apprezzament tal-valur tal-esperjenza u t-trasferiment tal-ħiliet miksuba tul il-ħajja tax-xogħol lil ħaddiema iżgħar);

kampanji ta’ tqajjim ta’ kuxjenza wesgħin li jiġġieldu kontra l-istereotipi u l-preġudizzji kontra l-ħaddiema mdaħħla fl-età u li jagħmlu mit-“tixjiħ” kunċett pożittiv, bil-kunsiderazzjoni tal-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-cliches negattivi fir-rigward tal-ħaddiema mdaħħla fl-età;

konsulenza u appoġġ għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, fl-ippjanar bil-quddiem tal-persunal u l-iżvilupp ta’ organizzazzjoni tax-xogħol adattata għall-ħaddiema mdaħħla fl-età;

il-ħolqien ta’ inċentivi adegwati biex jiġu rreklutati persuni iktar imdaħħla fl-età u biex dawn jinżammu fl-impjieg, mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni;

il-ħolqien ta’ inċentivi soċjalment aċċettabbli biex il-persuni jżommu impjieg għal żmien itwal fil-qafas tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-età legali tal-irtirar, għal dawk kollha li jridu jsibu xogħol u huma f’kundizzjoni li jaħdmu;

fejn possibbli jew mixtieq, l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi u attraenti għal tranżizzjoni flessibbli mill-ħajja tax-xogħol għall-irtirar fi ħdan is-sistemi pubbliċi tal-pensjonijiet (inkluż l-iżvilupp addizzjonali tal-mudelli ta’ impjieg part-time għall-persuni mdaħħla fl-età).

6.6

Il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal titlob responsabbiltà maqsuma u sforzi min-naħa tal-gvern, min iħaddem u l-ħaddiema stess. Din ir-responsabbiltà għandha tintrefa’ minn dawk kollha involuti. Fir-rigward ta’ dawn l-isforzi kollha, l-imsieħba soċjali għandhom rwol partikolari x’jaqdu. Il-mudelli li kisbu suċċess fl-Istati Membri tat-Tramuntana u fi Stati Membri oħra juruna li huwa possibbli li jinħoloq suq tax-xogħol li jiffunzjona għal persuni iktar imdaħħla fl-età bi stabbiltà għolja ħafna tal-impjiegi kif ukoll livell għoli ta’ kapaċità ta’ xogħol u attività fuq il-bażi ta’ ftehimiet kollettivi jew fil-livell tal-kumpanija bl-involviment tal-imsieħba soċjali u b’mod soċjalment aċċettabbli.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjonijiet tal-KESE dwar: “Il-qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14120); “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (Strateġija ta’ Lisbona)” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14141); “Strateġiji/Tibdil tal-età tal-irtirar mix-xogħol” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14156)

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar il-“Green Paper – lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14892).

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rwol tal-politika tal-familja fil-proċess tat-tibdil demografiku: skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri” (http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14900)

(4)  Relazzjoni bejn il-persuni mill-età ta’ 65 sena ’l fuq u l-persuni fl-età tax-xogħol ta’ bejn il-15 u l-64 sena.

(5)  Din ir-rabta hija ċċarata permezz tal-kalkolatur tal-kwota ta’ dipendenza tal-Kamra tax-Xogħol ta’ Vjenna (AK-Wien): il-kalkolu tal-għadd ta’ pensjonanti u persuni qiegħda użat f’dan il-mudell b’rabta mal-għadd ta’ persuni b’xogħol (kwota ta’ dipendenza ekonomika) toħroġ fid-dieher l-impatt kbir tad-diversi xenarji tas-suq tax-xogħol (pereżempju l-kwoti ta’ impjieg) b’rabta mal-isfidi demografiċi, u toffri, bil-konsiderazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi, ħarsa ferm aktar realistika bħala r-relazzjoni sempliċi bejn l-għadd ta’ persuni ta’ iktar minn 65 sena u dawk fl-età ta’ 16-64 (kwota ta’ dipendenza demografika).

(6)  L-eżempju tal-Awstrija: ir-rata ta’ dipendenza ekonomika fl-2008 kienet ta’ 25 %, b’rata ta’ dipendenza ekonomika ta’ 61 %; projezzjoni tar-rati ta’ dipendenza għall-2050 bil-konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol Daniż (rata ta’ parteċipazzjoni): filwaqt li r-rata ta’ dipendenza ekonomika għandha titlà b’moderazzjoni minn 61 % fl-2008 għal 72 % fl-2050, ir-rata ta’ dipendenza demografika għandha tirdoppja sa 48 %.

(7)  Demography Report 2008 (disponibbli bl-Ingliż biss; SEC(2008) 2911, p.133).

(8)  Ara fost affarijiet oħra l-opinjoni tal-KESE dwar “L-immigrazzjoni legali u l-isfida demografika” (relatur: is-Sur Pariza Castaños); http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.14361

(9)  Imsieħba soċjali Ewropej: “Ftehim Qafas dwar swieq tax-xogħol inklużivi”, Marzu 2010: (ara d-dokumenti relatati: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=744&furtherNews=yes)

(10)  Il-Konvenzjoni C128 dwar il-benefiċċji tal-invalidità, ix-xjuħija u s-sopraviventi (Convention C128 concerning invalidity, old-age and survivors’ benefits) tindika l-età ta’ 65 sena bħala l-limitu għall-ħajja tax-xogħol.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali” (opinjoni esploratorja)

2011/C 318/02

Relatur: is-Sinjura BATUT

Nhar l-24 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'136 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-inugwaljanzi fl-aċċess għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) huma estensjoni tal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali: huwa urġenti li niżviluppaw it-tkabbir u l-impjieg u li noħorġu mill-kriżi b'suċċess.

1.2   Għaċ-ċittadini KOLLHA, li jifhmu b'mod kritiku l-kontenuti tal-għodod kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jfisser: 1) konnessjoni onlajn; 2) kapaċità li jużaw it-tagħmir; 3) li jħossuhom komdi jużaw it-teknoloġija; 4) li jitħarrġu biex jużawha; 5) li jagħmlu parti mis-soċjetà diġitali.

1.3   L-inklużjoni diġitali għandha tieħu approċċ globali u tiggarantixxi l-emanċipazzjoni diġitali ta’ kull wieħed u waħda minnha, tkun xi tkun il-pożizzjoni tal-individwu fis-soċjetà. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċessibbiltà diġitali permezz ta’ taħriġ kontinwu fil-kompetenzi diġitali għal skopijiet ta’ impjieg u/jew personali kif ukoll taċ-ċittadinanza.

1.4   L-aċċess għall-infrastruttura u għall-għodod għandu jitqies bħala dritt fundamentali.

1.5   Il-KESE jixtieq li l-istrutturi eżistenti tad-djalogu jintużaw mill-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali sabiex jiltaqgħu mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata biex jidentifikaw aħjar il-ħtiġijiet reali.

1.6   Il-kwalità, l-innovazzjoni, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà mistennija mis-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), mill-amministrazzjonijiet Ewropej u fl-Istati Membri huma l-pedamenti tal-inklużjoni diġitali.

1.7   Fid-dawl tal-fatt li l-fenomenu diġitali jolqot lis-soċjetajiet bil-kbir (1) u li 30 % tad-djar fl-2010 għad m'għandhomx l-internet (2), il-KESE jqis li r-rwol tal-UE għandu jkun li tagħti spinta u tiggwida, sabiex liċ-ċittadini tagħtihom l-opportunitajiet ugwali u lill-Istati Membri tipprovdilhom approċċ armonizzat li jinkludi r-rekwiżit tal-protezzjoni għas-sigurtà tal-prattiki u tad-data. Huwa jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri:

rigward l-inklużjoni diġitali tal-anzjani sabiex:

is-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv (2012) tkun l-okkażjoni għall-UE li żżid ir-rwol li jaqdu l-ICT biex joħolqu rabta bejn il-ġenerazzjonijiet, biex dawk li għadhom ma daħlux sew fiż-żmien jibqgħu attivi, u biex l-anzjani mdaħħla aktar fl-età jevitaw l-iżolazzjoni u jgħixu fil-kumdità;

l-anzjani jiġu ggwidati fit-taħriġ diġitali permezz ta’ taħriġ u appoġġ lokali;

ikollhom objettivi, tagħmir u software aċċessibbli li joħolqu l-ewwel l-interess imbagħad il-bżonn;

jiġu żviluppati proġetti lokali fil-qasam tas-saħħa diġitali, ir-rikostituzzjoni ta’ memorja kollettiva pereżempju ta’ parti mil-lokalità, l-awtonomija, bil-għan li jiġu stabbiliti mill-ġdid rabtiet soċjali;

rigward l-inklużjoni diġitali tal-persuni b'diżabbiltà sabiex:

permezz tal-ICT tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà fuq bażi nondiskriminatorja, bil-garanzija ta’ aċċessibbiltà u faċilità tal-użu;

jiġi żviluppat – mill-Kummissjoni – rekwiżit għall-industriji, id-disinjaturi u l-manifatturi ta’ “disinn għal kulħadd”, kif ukoll tiġi imposta klawżola ta’ aċċessibbiltà tat-tagħmir u s-software fis-swieq ta’ importazzjoni, u l-adozzjoni ta’ miżuri li jesiġu d-disseminazzjoni tal-IT fil-ħajja domestika, it-trasport pubbliku u privat, il-bini, eċċ.

rigward l-inklużjoni diġitali tal-persuni bi dħul baxx sabiex:

tiġi appoġġjata l-produzzjoni ta’ software aċċessibbli u adattat għall-bżonnijiet tal-gruppi ta’ minoranza;

jiġi appoġġjat servizz bla ħlas ta’ internet pubbliku fiż-żoni prinċipali tal-bliet kif ukoll fil-kwartieri żvantaġġati tagħhom;

tingħata l-opportunità ta’ tagħlim u ta’ kwalifikazzjoni għal impjieg permezz tat-tagħlim onlajn;

jiġi ffaċilitat l-użu tad-data miftuħa 2.0 (open data) u tas-sorsi miftuħa (open sources).

rigward l-inklużjoni diġitali tal-persuni li m'għandhomx edukazzjoni bażika sabiex:

jaċċedu għall-fondi pubbliċi permezz ta’ attivitajiet ta’ appoġġ (lokali, “esperti”) sabiex l-utenti interessati ma jitħallewx waħidhom quddiem il-kompjuter;

l-operaturi jintalbu jipprovdu aċċess li ma jqumx ħafna flus għall-użu tat-telefown u tal-mezzi tax-xandir bħala appoġġ għat-taħriġ;

jiġi promoss l-aspett rekreattiv tal-ICT sabiex jiġi evitat l-iskoraġġiment: “logħob serju” (serious games), software ibbażat fuq il-ksib tal-ħiliet, l-użu ta’ netwerks soċjali;

jiġi garantit appoġġ għall-operaturi lokali.

rigward l-inklużjoni diġitali tal-minoranzi sabiex:

jiġu appoġġjati l-proġetti utli onlajn, multilingwi u adattati (eż. l-edukazzjoni dwar is-saħħa, is-saħħa onlajn, it-tagħlim onlajn), u

jingħatalhom aċċess għaċ-ċentri tal-internet pubbliċi u bla ħlas, għat-tagħlim onlajn u fl-iskola.

1.8   B'mod ġenerali, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li:

ikun hemm mainstreaming tal-inklużjoni diġitali fil-politiki kollha, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

jitlestew malajr l-infrastrutturi tan-netwerks (reġjuni iżolati, broadband…);

il-politiki pubbliċi tal-iżvilupp tal-ICT, fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, mill-bidu jitqiesu bħala inklużivi u nondiskriminatorji;

jiġi promoss l-użu ta’ tagħmir u software li jkunu għadhom kemm skadew;

li jiġu mobilizzati l-mezzi li jiżguraw l-inklużjoni diġitali tan-nisa.

1.8.1   Għall-finanzjament tal-azzjonijiet jeħtieġ li:

jiġi promoss il-finanzjament tal-aċċess universali permezz ta’ sussidji pubbliċi nazzjonali u fondi Komunitarji;

jiġu żviluppati l-investimenti b'mod partikolari għas-servizzi li huma mmirati lejn il-pubbliku (FSE, FEŻR), jiġi żgurat li l-baġit għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) ikun ta’ 3 % tal-PDG Ewropew, u jitrażżan it-tnaqqis baġitarju pubbliku;

jiġi allokat fond ta’ riżerva għal din l-isfida vitali, għall-preservazzjoni tal-għarfien u l-mitigazzjoni tal-effetti tal-kriżijiet;

tiġi inkluża l-isfida diġitali bħala prijorità (FSE) fil-programmi tal-awtoritajiet lokali u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu pprovduti bil-mezzi ta’ appoġġ għall-gruppi diġitalment esklużi;

jiġi adattat il-prinċipju tal-addizzjonalità tal-fondi strutturali allokati għall-inklużjoni diġitali;

fejn ikun hemm bżonn, jintuża s-self obbligatorju għax-xogħlijiet il-kbar tal-infrastruttura;

jiġu promossi s-sħubijiet pubbliċi-privati f'qafas Ewropew adatt;

jiġi promoss il-prinċipju ta’ imposta Ewropea fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u li parti minnha tiġi allokata għall-inklużjoni diġitali;

jinfetħu negozjati bejn l-intrapriżi tal-logħob kummerċjali (commercial gaming) u l-operaturi pubbliċi (edukazzjoni), bil-għan li t-teknoloġiji, malli jiskadu, jintużaw mill-ġdid f'livell sekondarju bi prezz irħas;

jiġi promoss l-iżvilupp tal-mikrofinanzjament tal-proġetti ta’ taħriġ;

jiġu promossi s-sistemi ta’ għajnuna għall-individwi biex jaċċedu għall-għodod ta’ bażi (hardware u software);

issir valutazzjoni tal-progress li sar tul dawn l-aħħar 5 snin permezz tal-ICT (ħolqien ta’ impjieg) sabeix flimkien mal-operaturi jiġu definiti l-ħtiġijiet reali tagħhom.

1.8.2   Għall-akkwist tal-kompetenzi jeħtieġ li:

jinħoloq kunsill settorjali li r-rwol tiegħu jkun li jistabbilixxi qafas ta’ referenza Ewropew;

jitwaqqaf qafas ta’ referenza Ewropew għat-taħriġ u għall-karrieri fl-ICT jew relatati mal-ICT u jiġu definiti l-kriterji għall-għoti ta’ diplomi rikonoxxuti fil-livell Ewropew;

jinħoloq modulu Ewropew ta’ taħriġ b'kontenut multilingwi għall-akkwist rapidu tal-għarfien u l-ħiliet li jwasslu għal kwalifikazzjoni;

permezz ta’ dan il-qafas Ewropew, jiżdiedu l-viżibbiltà u s-salarji tal-karrieri fl-ICT u jiġi żviluppat it-tagħlim onlajn għall-ħolqien ta’ livell għoli ta’ professjonalità (l-aġġornament tal-impjiegi fl-informatika) bil-għan li jiżdied in-numru ta’ prattikanti tal-IT u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tagħhom;

jinħoloq “passaport ekonomiku diġitali” bħala rekwiżit għat-twaqqif ta’ intrapriża.

1.8.3   Għas-sigurtà tal-persuni meqjusa vulnerabbli fil-konfront tal-qasam diġitali jeħtieġ li:

jiġi definit il-kontenut ta’ bażi tal-internet mingħajr ma dan jitħalla kompletament f'idejn is-suq (l-UE u l-Istati Membri);

jiġu definiti r-regoli kontra t-“tniġġis” tas-siti elettroniċi, u t-tagħlim taċ-ċibersigurtà fl-iskejjel;

jiġi żgurat li s-siti elettroniċi kollha jkollhom elementi li jistgħu jfakkru n-nies dwar il-prekawzjonijiet tas-sigurtà;

jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utent tan-netwerks ikunu stabbiliti u rispettati;

u biex jinkiseb dan, jiġi stabbilit kodiċi tad-drittijiet tal-utenti diġitali, konformi mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 9 tat-TFUE, u li jiżgura, mill-inqas, ir-rispett għal-libertà ta’ espressjoni u l-informazzjoni, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt li titħassar l-informazzjoni (erasure of data), u d-dritt għall-protezzjoni tal-minorenni;

1.8.4   Għall-aċċess tagħhom għax-xogħol jeħtieġ li:

jiġi promoss l-iżvilupp tad-djalogi soċjali u ċivili mal-għadd kbir ta’ strutturi eżistenti dwar il-punti kollha mqajma sabiex titjieb is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtiġijiet, u sabiex il-ħiliet diġitali jiġu trasformati f'impjiegi u opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u personali;

jiġi promoss it-taħriġ tal-impjegati tal-intrapriżi sabiex dawn ikunu jistgħu jaħdmu aktar fit-tul u jikkontribwixxu aktar għall-produzzjoni tal-intrapriża;

1.8.5   Għall-ksib tal-edukazzjoni inklużiva għal kulħadd, il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex timpenja ruħha biex:

tippromovi l-ugwaljanza fl-aċċess għal edukazzjoni inklużiva fl-iskejjel kollha;

tippromovi l-inklużjoni diġitali futura minn età ta’ qabel id-dħul fl-iskola, mingħajr diskriminazzjoni;

tippromovi t-taħriġ onlajn għall-ġenituri u l-għalliema, u tirristruttura l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema;

tippromovi attivitajiet diġitali rekreattivi fl-iskejjel (3), f'ambjent ikkontrollat – naturalment – mill-għalliema, għall-istudenti kollha, u b'mod partikolari għal dawk l-istudenti li mhumiex sejrin tajjeb fl-iskola, bil-għan li jkollhom ħakma tal-immaġni, li titlob forom ġodda ta’ tagħlim u ta’ espressjoni, b'mod partikolari f'forma ta’ logħba (l-użu ta’ smart phones fil-klassi, logħob serju, tablet computers, kotba diġitali, netwerks soċjali…);

tippromovi l-ftuħ għal kulħadd tal-aċċess għas-suq tax-xogħol billi jinkisbu bażijiet ġenerali u diġitali sodi.

2.   Kuntest

2.1   L-objettiv tal-Istrateġija UE 2020 huwa dak ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv sabiex noħorġu mill-kriżi. L-“Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (4) telenka, bħala ostakli, in-nuqqas tal-ħiliet diġitali, ir-riskju ta’ sfiduċja fir-rigward tan-netwerks, iċ-ċiberkriminalità, u opportunitajiet mitlufa sabiex jiġu indirizzati sfidi soċjetali.

2.2   Il-KESE jqis dan bħala objettiv assolutament vitali. L-ebda ċittadin m'għandu jiġi diġitalment eskluż, għaliex l-inklużjoni diġitali toffrilu l-mezzi għall-iżvilupp personali tiegħu u biex jipparteċipa fil-ħajja soċjali u jsir indipendenti (5).

3.   Id-definizzjonijiet

3.1   L-inklużjoni diġitali

Skont id-Dikjarazzjoni ta’ RIGA (6), tikkonċerna kemm it-teknoloġiji tal-informazzjoni kif ukoll l-użu tagħhom għall-kisba tal-objettivi ta’ inklużjoni aktar wiesgħa, permezz tal-parteċipazzjoni tal-individwi kollha u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha fl-aspetti kollha tas-soċjetà tal-informazzjoni.

3.2   Il-benefiċjarji tal-miżuri

Iċ-ċittadini huma maqsuma f'kategoriji sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati f'termini ta’ għajnuna allokata għalihom: madankollu l-inklużjoni diġitali għandha tkun approċċ globali. Fuq il-livell uman, din l-inklużjoni tibda billi l-persuni ma jiġux stigmatizzati u mqiegħda f'kategoriji; fuq il-livell soċjali din isseħħ permezz ta’ approċċ kollettiv, u fuq il-livell industrijali u kummerċjali, permezz tal-kunċett “disinn għal kulħadd” mit-tfassil sa tmiem l-użu.

3.3   Il-kultura diġitali

B'mod ġenerali, il-kultura diġitali hija strument essenzjali li mingħajru wieħed ma jistax jaċċedi għal dak li kien il-kultura fis-sens wiesa' tal-kelma, maħsuba bħala r-rabta bejn iċ-ċittadini. Mingħajr dan l-istrument il-possibbiltajiet li wieħed jiltaqa' ma’ persuni ġodda jew ma’ ħiliet ġodda huma ħafna inqas.

Il-kultura (il-litteriżmu), il-kompetenzi u l-inklużjoni ma jistgħux jiġu diżassoċjati u jikkorrispondu għal definizzjoni olistika u mhux diskriminatorja tal-inklużjoni diġitali għas-soċjetà kollha.

3.3.1   Li wieħed ikun inkluż jirrikjedi li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

Konnessjoni onlajn: l-aċċessibbiltà diġitali tibqa' aspett ewlieni.

L-għarfien ta’ kif għandu jintuża t-tagħmir.

Li wieħed iħossu komdu juża t-teknoloġija: li jkun imħarreġ, ikollu kompetenzi diġitali biex juża s-software kollu tal-Mac, Windows, Linux, tal-internet, tat-telefown ċellulari, eċċ.

Li wieħed jakkwista l-informazzjoni meħtieġa biex jivvaluta b’mod kritiku l-kontenut tal-mezzi tax-xandir fl-eżerċizzju ta’ ċittadinanza attiva.

3.3.2   Fost dawk li huma diġitalment esklużi nsibu persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà, kultant persuni li jipprovdu l-kura, dawk li għandhom dħul baxx, dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, b’varjazzjonijiet żgħar. Fil-grupp ta’ persuni anzjani nsibu persentaġġ ta’ persuni b’edukazzjoni li ilhom jużaw l-internet mill-bidu tiegħu, u dawn jikkostitwixxu, f'ċerti Stati Membri, mutur effettiv tal-ekonomija. Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi żgurata l-emanċipazzjoni ta’ kull individwu permezz tat-teknoloġija diġitali, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħu fis-soċjetà, permezz ta’ approċċi mmirati u ta’ approċċ għal kulħadd li jkun l-aktar ekonomiku u integrattiv.

3.3.3   Il-KESE jemmen li l-inklużjoni diġitali għadha 'l bogħod milli tkun stabbli u lineari. It-teknoloġiji qed jiżviluppaw kontinwament, l-impjieg huwa aktar insigur, il-flessibbiltà qed tikber, u l-karrieri qed isiru aktar frammentati. L-inklużjoni diġitali ta’ spiss tkun marbuta ma’ kawżiet superimposti. It-taħriġ u l-aġġornament tal-kompetenzi huma fatturi bażiċi tal-inklużjoni diġitali.

3.3.4   L-intrapriżi li għandhom diffikultajiet finanzjarji, nuqqas ta’ kompetenzi u/jew ta’ ħin huma kkonċernati. Għall-KESE, l-inklużjoni diġitali għandha tkun antiċipattiva sabiex kemm jista' jkun l-iżviluppi tal-ICT jikkoinċidu mat-tendenzi tal-kawżi tal-esklużjoni.

3.4   Il-kompetenzi diġitali tal-professjonisti

It-taħriġ tul il-ħajja huwa importanti ħafna. Wara li l-kwalifiki diġitali qanqlu entużjażmu sħiħ fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, il-ksib tal-kwalifiki diġitali (7) bata minn profil baxx tal-karrieri u minn rimunerazzjonijiet anqas vantaġġużi. Huwa urġenti li l-professjonisti tal-futur jiġu motivati mill-ġdid bi statut, rimunerazzjonijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ impjegati kwalifikati u ta’ taħriġ adegwat, u biex jiġu inklużi l-persuni li qegħdin f'diffikultà. Il-professjonijiet tal-ICT iġġorru warajhom l-utenti

4.   Il-mezzi

4.1   Aċċess universali

4.1.1   Sabiex titjieb id-disparità tal-aċċess għall-ICT u tiġi promossa l-inklużjoni diġitali, l-Unjoni introduċiet fl-2002 is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti fir-rigward tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (8). It-talba għal konnessjoni tan-netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni għandha timplika li wieħed jibbenifika minn frekwenza biżżejjed għall-aċċess funzjonali għall-internet u bi prezz affordabbli. Dan ma għandu xejn x'jaqsam mal-eliminazzjoni tas-suq jew mal-kompetizzjoni ġusta, iżda mal-ħolqien ta’ bilanċ bejn l-objettivi ekonomiċi u l-ħtiġijiet soċjali urġenti li jridu jiġu ssodisfati. Hekk kif diġà tenna bosta drabi l-KESE, is-suq mhuwiex objettiv fih innifsu, iżda huwa għas-servizzi tat-titjib tal-ħajja taċ-ċittadini.

4.1.2   Il-kwalità, l-innovazzjoni, it-trasparenza u l-aċċessibbiltà mistennija mis-SIĠ (servizzi ta’ interess ġenerali) fl-Ewropa u fl-Istati Membri huma l-pedamenti tal-inklużjoni diġitali. Għaldaqstant, din hija kwistjoni ta’ effettività soċjali fuq medda twila ta’ żmien, element essenzjali tal-“prestazzjoni” inklużiva. Dan huwa l-paradoss tal-isfida tal-inklużjoni diġitali: filwaqt li l-effettività soċjali tas-SIĠ u s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ) kif ukoll l-inizjattivi pubbliċi fuq perjodu twil ser ikunu importanti ħafna sabiex jinkisbu riżultati f'termini ta’ inklużjoni, dan huwa settur li jirrikjedi azzjoni rapida. Hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi li jsolvu din il-problema.

4.2   Aċċess ugwali għal kulħadd

4.2.1   Netwerks li jkopru t-territorju Ewropew kollu, l-iżvilupp ta’ broadband għal konnessjonijiet b’veloċità kbira, u l-użu tad-dividend diġitali (9) għandhom jitlestew sabiex jiġi garantit is-servizz universali.

4.2.2   Jidher li l-inugwaljanzi fl-aċċess u l-użu tal-ICT għadhom jippersistu u dawn jirriflettu l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali preeżistenti. Iċ-ċittadini inklużi diġitalment huma, ħafna drabi, dawk li għandhom il-mezzi biex jakkwistaw il-loġistika u l-kompetenzi meħtieġa.

5.   Il-ksib tal-kompetenzi diġitali bażiċi

Il-litteriżmu diġitali

It-tressiq flimkien tat-tliet fatturi ta': ħtieġa + interess + mezzi (finanzjarji u oħrajn) iressaq lill-gruppi fil-mira lejn il-litteriżmu diġitali.

5.1   L-anzjani

5.1.1   Il-gruppi tal-persuni l-aktar imdaħħlin fl-età (10), li qed jiżdiedu, huma dawk li l-anqas jużaw l-ICT.

: dawn għandhom bżonn jaġġornaw il-kompetenzi tagħhom. Il-KESE jemmen li sabiex ikunu integrati mill-ġdid jew jinżammu fis-suq tax-xogħol, l-awtoritajiet lokali, permezz ta’ djalogu soċjali mal-intrapriżi, jistgħu jipproponu taħriġ adattat għalihom.

: dawn iridu jegħlbu n-nuqqas ta’ interess, it-timidità u l-isfiduċja, u jitgħallmu kif iħaddmu l-għodod għal skopijiet ta’ impjieg, jew biex jiffaċilitaw il-ħajja tad-dar u dik soċjali. Il-KESE jemmen li hija f'idejn it-teknoloġija u l-“esperti” biex jadattaw ruħhom. Dawn għandhom jiġu offruti 1) gwida, 2) software faċli għall-użu, 3) tagħmir li jistgħu jħaddmu, 4) objettivi adattati għall-ħolqien tal-interess, imbagħad il-ħtieġa, bħal pereżempju l-ħolqien ta’ proġetti marbuta mas-“saħħa elettronika”, ir-rikostituzzjoni pereżempju ta’ parti mil-lokalità, l-istabbiliment mill-ġdid tar-rabtiet soċjali, u l-awtonomija.

5.1.2   Għal dawk il-persuni li jgħixu waħidhom, l-ICT jistgħu jikkostitwixxu konnessjoni vitali: pereżempju waħda mill-objettivi reali tas-SSIĠ hija l-provvista ta’ servizzi ta’ urġenza b'konnessjoni telefonika permezz tal-użu ta’ buttuna waħda, bi prezz raġonevoli li ssalva liċ-ċittadini f'sitwazzjonijiet diffiċli. Is-saħħa onlajn ser taqdi rwol ikbar (11); il-prinċipji kollha li l-KESE jixtieq li jiġu rispettati fir-rigward tal-utenti tal-ICT huma ta’ natura universali u huma applikabbli għas-setturi tas-saħħa u tal-għajnuna soċjali.

5.1.3   Is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-sħubijiet għall-innovazzjoni tagħha għandhom ikunu l-okkażjoni fejn l-UE jenfasizza r-rwol li jaqdu l-ICT bħala rabta bejn il-ġenerazzjonijiet (taħriġ), kontra l-iżolazzjoni, u għall-kumdità tal-ħajja tal-anzjani.

5.2   Persuni b'diżabbiltà

L-ICT jistgħu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà lfis-soċjetà abbażi ta’ ugwaljanza mal-oħrajn (12). Il-kwistjonijiet jibqgħu l-istess bħal ta’ gruppi oħra: id-definizzjoni tal-objettiv, l-iffaċilitar waqt it-taħriġ, is-software u t-tagħmir aċċessibbli u adattat, magni aċċessibbli u faċli għall-użu u b'mod partikolari s-sistemi tat-trasport intelliġenti (13). Ir-rwol ta’ servizz ta’ interess ġenerali tal-kultura diġitali joħroġ fid-dieher fir-rigward tal-persuni b'diżabbiltà. L-għajnuna għal kull tip ta’ diżabbiltà tista' twassal għal inklużjoni soċjali aħjar. Ir-rwol tal-NGOs għandu jiġi rikonoxxut u koordinat mar-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi. Huwa preferibbli approċċ li huwa bbażat fuq disinn universali, li sa fejn ikun possibbli jqis il-ħtiġijiet ta’ kull tip ta’ utent, milli fuq disinni speċjalizzati mmirati għal nies b'diżabbiltà biss.

5.3   Persuni bi dħul baxx

5.3.1   L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-ICT huma estensjoni tal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali: nisa/irġiel, djar/nisa waħidhom, bliet/reġjuni rurali jew insulari, pajjiżi sinjuri/pajjiżi anqas avvanzati. Dawn, ovvjament, iridu jiġu miġġielda biex isseħħ l-inklużjoni tal-akbar għadd ta’ nies.

5.3.1.1   L-immigranti jew il-gruppi ta’ minoranzi huma aktar u aktar żvantaġġati. Ma teżistix produzzjoni tas-software li jista' jinteressahom.

5.3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-organizzazzjoni ta’ aċċess bla ħlas għall-internet għall-pubbliku fiż-żoni prinċipali tal-bliet u l-aċċess għal data miftuħa (open data) 2.0 kif ukoll għas-sorsi miftuħa ser jagħtu l-possibbiltà li wieħed ifittex impjieg, li wieħed jikkomunika. Il-punti fissi ser jibqgħu utli bħala appoġġ għat-taħriġ. Dan huwa rwol li l-awtoritajiet pubbliċi, l-operaturi u l-assoċjazzjonijiet għandhom jaqsmu flimkien.

5.3.3   L-aċċess għall-infrastruttura u għal-għodod għandu jitqies bħala dritt fundamentali: it-taħriġ, it-trażmissjoni tal-għarfien u tal-esperjenza huma importanti ħafna f'kull età u f'kull sitwazzjoni tal-ħajja għal-litteriżmu diġitali.

5.4   Il-persuni b'livell baxx ta’ edukazzjoni

5.4.1   Il-KESE jemmen li dawn il-persuni għandhom ifittxu li jsibu interess fil-litteriżmu diġitali permezz ta’ għajnuna speċjalizzata li tibda mit-telefown u l-mezzi ta’ komunikazzjoni.

5.4.2   Billi wieħed jgħaqqad lil-kompjuter mal-għalliem u jibda b'attivitajiet rekreattivi jista' jiġi evitat li l-persuni li qed jitgħallmu jiġu skoraġġuti. Il-KESE jemmen li t-tfal li mhux sejrin tajjeb fl-iskola jistgħu jsibu għajnuna permezz tal-ismart phones bħala l-lapes il-ġdid tagħhom. L-aċċess għat-tagħlim bażiku jista' jibda mil-“logħob serju” simili għal-logħob ċerebrali kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti permezz ta’ software ibbażat fuq il-ksib tal-ħiliet.

5.4.3   Sabiex tikseb l-inklużjoni diġitali, l-UE għandha bżonn internet mimli kultura. L-Ewropej jirrikonoxxu l-kultura bħala l-qasam l-iktar li għandhom komuni bejniethom. L-UE għandha tuża din id-diversità fl-espressjonijiet kulturali fl-inizjattivi kollha tagħha relatati mal-aġenda diġitali (14). Id-diġitalizzazzjoni tal-oġġetti kulturali tiffaċilita l-aċċess għall-għarfien għall-persuni l-iktar żvantaġġati u dan l-aċċess huwa parti importanti mill-integrazzjoni soċjali u l-iżvilupp personali b'mod partikolari fil-lingwa materna.

5.5   Il-minoranzi

5.5.1   Il-KESE jixtieq li dawn il-popolazzjonijiet kemm jekk huma gruppi ta’ immigranti jew jekk mhumiex bħar-Roma, jingħataw il-possibbiltà tal-inklużjoni diġitali. Dawn mhumiex illitterati, iżda ma jitkellmux il-lingwa tal-pajjiż ospitanti u l-anqas ma għandhom l-istess kultura tiegħu. Huma m'għandhomx aċċess faċli għall-kompjuter. Ħafna drabi n-nisa fosthom ikunu l-inqas infurmati u iktar żvantaġġati.

5.5.2   L-eżempju tal-IMI (Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern) (15), applikazzjoni online multilingwi li l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali tal-UE jużaw biex jikkomunikaw faċilment bejniethom tista' sservi ta’ bażi għall-applikazzjonijiet soċjali għall-iżvilupp tat-taħriġ għar-residenti u ċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex b'hekk dawn ikollhom aċċess għat-tagħlim onlajn.

5.5.3   Fir-rigward tal-pubbliku msemmi f'kapitolu 5, ir-rwol tan-netwerks soċjali jista' jkun sinifikanti jekk jiġi kkontrollat. Barra minn hekk is-cyber-cafés li jaqdu rwol partikolari fost iż-żgħażagħ sabiex jgħinuhom jiżviluppaw l-interess tagħhom fil-kompetenzi diġitali u jgħinuhom jiksbuhom jistgħu jsiru iktar affordabbli pereżempju permezz ta’ vouchers għal prezz irħas imqassma mill-awtoritajiet lokali.

5.6   L-intrapriżi wkoll …

5.6.1   L-SMEs jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta’ esklużjoni diġitali jekk l-attività prinċipali tagħhom ma tkunx il-qasam diġitali. In-nuqqas ta’ żmien sabiex wieħed jitgħallem juża applikazzjonijiet diġitali, il-piż tat-tradizzjonijiet, id-diffikultajiet finanzjarji u approċċ antikwat lejn il-ġestjoni tal-ICT jistgħu jaffettwaw it-tmexxija tal-intrapriżi, il-proċess u l-impjegati tagħhom. B'riżultat ta’ dan huma jistgħu jibqgħu lura milli japprofittaw mill-“cloud computing” (16). Peress li dan jista' jolqot il-produttività tagħhom, jeħtieġ li jinstabu mezzi biex dawn l-aspetti jiġu inklużi.

6.   L-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali ta’ kulħadd biex nindirizzaw l-isfidi soċjali u soċjetali

6.1   L-edukazzjoni u t-taħriġ  (17)

6.1.1   L-inklużjoni ta’ għada tibda mill-età ta’ qabel l-iskola.

L-aċċess ugwali fl-iskejjel kollha għal edukazzjoni diġitali inklużiva għat-tfal kollha, inklużi t-tfal b'diżabbiltà, iżolati u ġejjin minn familji f'diffikultà ser iżid l-awtonomija tagħhom meta jkunu adulti. L-użu mifrux u monitorjat mill-għalliema tal-logħob serju, tat-tablet computers u tal-kotba diġitali u l-użu tan-netwerks soċjali jistgħu jippermettu l-inklużjoni tat-tfal li jkunu sejrin l-iktar ħażin permezz tal-forom ġodda ta’ tagħlim.

6.1.2   L-akkwist tal-kwalifiki u tad-diplomi u l-għażla tat-triq professjonali fil-qasam diġitali għandu jiġi appoġġjat minn qafas ta’ referenza Ewropew stabbilit fuq it-taħriġ b'mod partikolari dak relatat mal-qasam ta’ karrieri ġodda marbuta mas-soċjetà diġitali. Ċerti professjonijiet ġodda huma verżonijiet antiki tal-istess professjoni bi kwalifiki ġodda, oħrajn mhumiex. Direttorju miftuħ Ewropew tal-ħiliet diġitali jista' jiġi stabbilit sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ diplomi Ewropej li jiffaċilita l-mobbiltà ta’ min hu interssat. Il-KESE jemmen li l-miżuri li jagħtu lill-istudenti status soċjoprofessjonali ta’ kwalità jistgħu jtaffu n-nuqqas ta’ sodisfazzjon relatat mal-qasam diġitali.

6.1.3   L-għoti ta’ spinta mill-UE għandha tiġi mmirata lejn kull forma ta’ tagħlim diġitali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u għandu jiġi inkluż it-taħriġ tal-ġenituri u tal-għalliema u jiġu strutturati mill-ġdid il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

6.2   It-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ onlajn tul il-ħajja

6.2.1   Uħud mill-gruppi kkonċernati jeħtieġu kampanji mmirati. Għal dawk f'sitwazzjoni ta’ esklużjoni diġitali, it-trasferiment tal-għarfien espert huwa importanti u metodi bbażati fuq il-parteċipazzjoni flimkien mat-teorija jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-potenzjal u huma opportunità ta’ integrazzjoni. Dan jikkonċerna b'mod partikolari lill-persuni qiegħda, il-ħaddiema, l-anzjani u l-gruppi esklużi soċjalment li jixtiequ impjieg u għandhom bżonn l-impjegabilità u ħiliet soċjali.

6.2.2   Azzjonijiet tal-intrapriżi

Il-ksib ta’ “passaport għall-ekonomija diġitali” wara taħriġ regolari fl-ICT fil-qasam kummerċjali jista' fil-futur ikun rekwiżit biex tkun tista' tinħoloq intrapriża.

It-taħriġ intern fl-ICT lill-persunal ta’ intrapriża għandu jsir prattika stabbilita permezz ta’ ftehim intern għax jikkontribwixxi għall-inklużjoni diġitali u jippermetti lill-persunal li jżomm l-impjieg tiegħu fit-tul u lill-intrapriża li żżid il-produttività tagħha.

6.2.3   Azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi

Il-politiki nazzjonali u lokali tal-iżvilupp tal-ICT għandhom ikunu sa mill-bidu inklużivi u mhux diskriminatorji.

L-użu tal-fondi strutturali: hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet li jiddefinixxu liema attivitajiet innovattivi huma importanti għas-soċjetà sħiħa u li jistgħu jiġu appoġġjati sabiex jingħataw lil min hu interessat għall-aħjar prezz possibbli.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jipproponu qafas Ewropew għall-iżvilupp tal-professjonaliżmu fil-karrieri tal-IT.

6.3   Ħidma fuq il-kontenut

6.3.1   Il-kontenut tant huwa importanti li d-definizjoni tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kultura ma tistax titħalla f'idejn is-suq.

6.3.2   L-awtoritajiet nazzjonali pubbliċi għandhom jiddefinixxu l-kontenut bażiku, jiffaċilitaw il-korsijiet ta’ taħriġ mill-bogħod u flimkien mal-Unjoni jistabbilixxu l-kriterji tal-għoti tad-diplomi rikonoxxuti fil-livell Ewropew. Huwa importanti li jitqiesu l-fehmiet tal-utenti sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-bżonnijiet reali.

6.3.3   Il-kontentut adattabbli u multimedjali huwa indispensabbli sabiex jiġi żgurat ambjent diġitali kontinwu għall-utent (internet intelliġenti), filwaqt li jiġi rispettat l-aċċess għall-persuni b'diżabbiltà.

6.3.4   Iċ-ċittadini tal-pajjiżi b'lingwi li ftit li xejn huma mitkellma barra mill-post jinsabu f'sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fejn jidħlu offerti tal-internet. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jassiguraw ir-rispett tal-kultura tagħhom u d-disponibbiltà tal-kontenut reali bil-lingwa tagħhom.

6.3.5   Il-kontenut tan-netwerks soċjali jinħoloq mill-utenti. L-istrument jista' jintuża biex jiġu attirati l-persuni batuti fl-użu tal-IT b'rispett lejn id-drittijiet tagħhom ta’ utenti.

7.   Sigurtà mtejba sabiex tiġi miġġielda l-isfiduċja

A.

L-użu tat-teknoloġija diġitali jitlob reqqa kbira fost (18) dawk li ma jkunux ċerti minnhom infushom jew mis-sistema u fejn l-injoranza relattiva fir-rigward taċ-ċibersigurtà iżżommhom lura milli jħarsu lilhom infushom (19). Il-persuni esklużi jew dawk li resqin lejn l-esklużjoni diġitali jinsabu f'iktar riskji.

B.

Il-prattika diġitali tbiddel l-istrutturi mentali tal-individwi u tas-soċjetà: pereżempju għandna nipproteġu t-“trasparenza” jew l-“intimità”? B'mod ġenerali, kwalunkwe approċċ lejn l-inklużjoni diġitali għandu jqis li l-istrument diġitali fih innifsu jimplika livell ta’ ndħil fil-ħajja privata (20) abbażi ta’ kunsens jew mingħajru fejn l-użu ħażin tal-istrument jista' jkollu konsegwenzi disastrużi fuq kull utent u fuq kollox fuq il-pubbliku fraġli. L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-abbuż u l-kriminalità marbuta mal-prattika diġitali għandha tagħti kontribut sabiex tiżdied il-fiduċja tal-utenti.

C.

Is-sintesi tal-isfidi tal-aġenda diġitali u l-istennijiet taċ-ċittadini tista' tiġi rappreżentata minn tliet ċrieki konċentriċi.

Image

7.1   Id-drittijiet tal-utenti

7.1.1   Il-KESE jixtieq miżuri li jipprovdu fiduċja u sigurtà lilll-gruppi kollha, l-ambjent diġitali u t-tranżazzjonijiet fuq l-internet hekk kif previst fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp (21).

7.1.2   Jistgħu jiġu kkunsidrati mezzi kif jiddaħħlu elementi li jistgħu jfakkru lill-utenti f'prekawzjonijiet sempliċi li jistgħu jieħdu sabiex jipproteġi ruħhom (22). Li fl-iskejjel sekondarji jiġu studjati gwidi bħall-“eYou GuideTo your rights online (23) – ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea – għandu rwol importanti ħafna sabiex iż-żgħażagħ li wkoll huma vulnerabbli jingħataw għajnuna biex jiżviluppaw l-istint li għandhom bżonn biex jipproteġu ruħhom biex jużaw l-internet b'mod sigur.

7.1.3   Il-KESE jqis li ċ-ċittadini għandhom jiġu infurmati aħjar dwar ir-rwol tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit mill-Artikolu 16 tat-TFUE u dak tal-G29.

7.1.4   Il-KESE jixtieq li d-dinjità tal-utent tiġi mħarsa permezz tal-leġislazzjoni Ewropea (24), b'konformità mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sabiex jiġu rispettati:

il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, b'mod partikolar bil-lingwa materna,

id-dritt tal-ħarsien tal-ħajja privata u tad-data personali (ID, Saħħa …),

id-dritt li titħassar l-informazzjoni,

id-dritt għall-protezzjoni tal-minorenni.

7.1.5   Huwa jfakkar ukoll li diġà jeżistu bosta karti nazzjonali u internazzjonali (25) tal-konsumaturi li jirreferi għad-drittijiet fundamentali tal-utenti diġitali bil-għan li jiggarantixxu dawn id-drittijiet. Il-Parlament Ewropew ukoll talab għal karta bħal din. Il-Kumitat jixtieq li kemm jista' jkun malajr jibdew diskussjonijiet mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-imsieħba soċjali Ewropew dwar il-“Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet Online” li ħabbret il-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda Diġitali tagħha (26).

7.2   Il-PE jixtieq ir-rikonoxximent tal-“ħames libertà li tippermetti l-moviment ħieles ta’ kontenut u għarfien” fin-netwerks. Il-KESE jemmen li dan għandu jiggarantixxi s-sigurtà tal-utenti u tal-proprjetà intellettwali. Id-data ekonomika u industrijali wkoll tirrikjedi l-ħarsien. Il-grids u l-cloud computing li jimmobilizzaw bosta atturi diġitali fl-istess waqt jirrikjedu metodi speċifiċi ta’ ħarsien li għandhom ikunu disponibbli għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-mikrointrapriżi.

7.3   Il-pass iktar mgħaġġel ta’ gvern elettroniku (e-government) (27) bil-għan li jiġu faċilitati l-formalitajiet, jista' jirriżulta f'proċeduri amministrattivi iktar siguri b'mod partikolari għan-nies iktar imdaħħla fl-età b'kunsiderazzjoni tal-fatt li d-“demokrazija elettronika” tista' tkun inklużiva iżda m'għandhiex thedded lid-demokrazija u għandha tkun soġġetta għall-prinċipji msemmija hawn fuq.

8.   Il-ħolqien tal-impjieg

8.1   L-inklużjoni ta’ kulħadd għandha ġġib magħha żieda fl-impjegati u t-tkabbir. Il-kriżi, is-sitwazzjoni demografika u ż-żieda fl-ammont ta’ nies qiegħda u l-perkarjetà ma jiffavorixxux l-iżvilupp tal-kompetenzi la mil-lat tal-impjegati u l-anqas mil-lat ta’ min iħaddem. Il-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u l-isolazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jinkibu l-kwalifiki speċjalment diġitali biex jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv (28) għax il-qasma bejn dawk kwalifikati u dawk li mhumiex qed tkompli tikber. Huwa importanti ħafna li d-djalogu soċjali, b'mod partikolari dak settorjali (29), u l-politiki pubbliċi jikkonformaw bejniethom sabiex il-ħiliet diġitali tal-gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol jiżdiedu u jiġu trasformati.

8.2   Tipi ġodda ta’ impjieg jinteressaw lill-kategoriji li qed jitħarrġu fl-IT sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-aġenziji inkarigati mill-impjieg fl-Istati Membri għandhom ikunu f'qagħda li jjiġbdu attenzjoni lejhom fid-diversi oqsma sabiex jippromovu r-rikonoxximent tagħhom mill-UE.

8.3   Il-korpi tal-ispezzjoni tax-xogħol jeħtieġ li jiġu aġġornati fl-Istati Membri kollha.

8.4   Is-suċċess tal-inklużjoni diġitali fl-UE jiddependi mill-mainstreaming u s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet Ewropej. Il-biċċa l-kbira tat-tagħmir diġitali tal-utent aħħari huma importanti fl-UE u l-Ewropej mhumiex konxji tal-karatteristiċi tal-fabbrikazzjoni ta’ dan it-tagħmir. Madanakollu, għaċ-ċittadin l-aċċessibbiltà tiddependi mit-teknoloġija tat-tagħmir li għandhom id-dar b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati u b’mod partikolari għal dawk imdaħħla fl-età u l-persuni b’diżabbiltà. Jeħtieġ li jiġi promoss disinn u tħaddim aċċessibbli u software b’kontenut adatt, b’mod li jsiru l-aqwa elementi tal-inklużjoni diġitali, definiti skont l-approċċi Ewropej, b’konformità mal-istandards internazzjonali, u jeħtieġ li jiġu inklużi klawżoli fil-ftehimiet ta’ kummerċ.

8.5   Dan jirrikjedi investimenti fl-oqsma kollha, b’mod partikolari s-servizzi għall-pubbliku. Jekk dan ma jagħmluhx l-Ewropej ser jagħmluh oħrajn u l-intrapriżi tal-UE jitilfu s-swieq u l-impjiegi. L-għan attwali tal-UE huwa li tinvesti 3 % tal-PDG fl-R&D. Il-KESE jemmen li hemm bżonn urġenti li dan l-investiment iseħħ. Il-gruppi żvantaġġati kollha qed jistennew li jkun hemm progress.

9.   Il-finanzjament tal-azzjonijiet

9.1   Il-politiki li għandhom jiġu żviluppati għandhom jiżguraw li dawk li llum huma inklużi fid-dinja diġitali jibqgħu inklużi. Il-baġits li għandhom jiġu allokati għal din l-isfida importanti tal-UE għandhom jiġu żviluppati fuq perjodu twil mill-bidu tal-katina (R&D&I) sal-aħħar (utenti aħħarija), b’riservi finanzjarji li jpattu għall-effetti tal-kriżi. Meta l-baġits nazzjonali ma jibqgħalhomx flessibbiltà baġitarja minħabba t-tnaqqis impost biex irażżnu l-ispejjeż, kull 1 % addizzjonali jista' jagħmel differenza.

9.2   L-inklużjoni tal-gruppi diġitalment esklużi tista' tiġi żviluppata billi jinħoloq suq Ewropej strutturat tas-servizzi adegwati ta’ appoġġ, possibbilment fil-forma ta’ task force, li jkollha effett ta’ skala.

9.3   Il-finanzjament jikkonċerna l-kopertura sħiħa tat-territorju Ewropej fejn tidħol infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika, il-kontenut, l-innovazzjoni soċjali għall-pubbliku eskluż, it-tagħlim onlajn, it-trasformazzjoni tal-kompetenzi f'impjieg, l-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-intrapriżi u l-atturi pubbliċi, nazzjonali, territorjali u lokali.

9.4   Il-firxa sħiħa tal-għajnuna disponibbli għandha telimina l-kawżi l-kbar tal-esklużjoni, li huma wkoll kumulattivi, tkopri l-ispejjeż tal-enerġija, tal-post, tiddefinixxi l-kontenut, toħloq materjal adatt u tiddefinixxi taħriġ adatt.

9.5   Il-miżuri relatati mal-inklużjoni diġitali (ġestjoni, azzjonijiet, kontroll) għandhom jiġu enfasizzati fir-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissjoni u diskussi mal-imsieħba soċjali; il-miżuri mmirati lejn iċ-ċittadini sabiex jorjentawhom dwar l-opportunitajiet ta’ inklużjoni diġitali li jeżistu għandhom jixxerrdu.

9.5.1   L-atturi territorjali li jinsabu fuq quddiem fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali għandhom 1) jagħmlu l-ICT prijorità tal-aġenda lokali u jużaw il-FSE; 2) jissensibilizzaw il-mexxejja tal-gruppi soċjali għall-bżonnijiet diġitali ta’ dawn il-gruppi; 3) jissensibilizzaw il-gruppi kkonċernati permezz ta'mezzi lokali bħat-televixin lokali; u 4) jikkonsultaw il-gruppi kkonċernati dwar il-bżonnijiet tagħhom permezz ta’ laqgħat mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata.

9.5.1.1   Il-KESE jiddispjaċih dwar il-fatt li d-djalogu soċjali u ċivili, kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali, mhux strutturat speċifikament fuq is-soċjetà diġitali li għandha influwenza profonda fuq l-istil tal-ħajja, meta l-gruppi żvantaġġati għandhom bżonn stabbiltà, koerenza, garanziji u azzjonijiet deċentralizzati.

9.6   L-intrapriżi għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżviluppaw permezz tal-ħiliet diġitali u li jissensibilizzaw lil min jiżviluppa u jibni l-programmi tagħhom dwar il-bżonnijiet tagħhom sabiex tingħata attenzjoni għall-problemi ta’ kuljum (“disinn għal kulħadd”, inkluża l-aċċessibbiltà elettronika).

9.7   Il-modi ta’ finanzjament

9.7.1   Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE): Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni (Azzjonijiet pinċipali 11 & 12) qed tippjana li tattribwixxi l-fondi għall-Istati Membri permezz tal-FSE sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-inklużjoni diġitali. Il-KESE jemmen li huwa importanti wkoll li jinstabu l-iktar sinerġiji possibbli bejn il-linji baġitarji.

9.7.1.1   Il-KESE jinsab imħasseb dwar kemm huwa rilevanti l-prinċipju tal-addizzjonalità għall-allokazzjoni tal-fondi strutturali fid-dawl ta’ kwistjoni futura daqshekk importanti, fi żmien meta bosta entitajiet pubbliċi għandhom diffikultajiet baġitarji kbar u l-passi li għandhom jittieħdu sabiex titnaqqas il-qasma diġitali ma jistgħux jistennew. Huwa jixtieq li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ attribuzzjoni diretta.

9.7.2   Il-Kumitat jipproponi li jinstabu opportunitajiet għal modi ta’ finanzjament ġodda sabiex titwettaq l-inklużjoni diġitali:

bejn atturi privati u pubbliċi, għall-ICT b’mod ġenerali u pereżempju mal-intrapriżi tal-logħob kummerċjali (li jiġbru dħul importanti) biew jużaw it-teknoloġiji moderni tagħhom f'livell sekondarju u għalhekk b’inqas spejjeż,

għall-infrastruttura elettronika, fil-qafas tal-inizjattiva tal-Kummissjoni “Bonds Ewropa 2020 għall-finanzjament tal-proġetti”, jekk din timmaterjalizza (30),

parteċipazzjoni f'tagħlim onlajn għall-provvedituri tal-aċċess, l-operaturi u dawk li jipprovdu l-materjal.

imposta Ewropea fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (31), u li parti minnha tiġi allokata għall-inklużjoni diġitali.

9.7.3   Fil-każijiet kollha, il-monitoraġġ (32) tal-użu tal-fondi ser ikun kruċjali sabiex l-għajnuna tkun effikaċi. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti f'diversi forom ta’ monitoraġġ. Fil-każ tal-FSE diġà jeżistu kumitati ta’ monitoraġġ. Is-sħubijiet pubbliċi-privati li huma possibbli f'qafas Ewropew adegwat ukoll jistgħu jibbenefikaw minn forom ġodda ta’ monitoraġġ tal-ispiża finali kemm għal min iħallas it-taxxa kif ukoll għall-utent b’konformità mar-regoli dwar is-SIĠ, is-SIEĠ u s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ). Dawn ikunu possibbli biss f'qafas Ewropew adegwat (33).

9.7.4   Il-KESE jemmen li mhux biżżejjed li jiġi żgurat aċċess mifrux u li jiġu adatti l-veloċitajiet tat-trasmissjoni tas-servizz universali għall-iżviluppi teknoloġiċi u jirrepeti l-proposti tiegħu (opinjoni CESE 1915/2008) li:

tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali li tikkoinċidi ma’ nuqqas ta’ mezzi u kompetenzi tal-gruppi ta’ untenti żvantaġġati kif ukoll l-esklużjoni ġeografika u li jikber is-servizz universali sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-utenti kollha irrispettivament mis-sitwazzjoni tagħhom;

jiġi faċilitat il-finanzjament tas-servizz universali permezz tas-sussidji nazzjonali pubbliċi u l-fondi tal-UE li huma l-unika alternattiva għall-pajjiżi fejn l-operaturi ma jistgħux iġorru l-piż finanzjarju tas-servizz universali (34);

jiġu appoġġjati l-proġetti tal-inklużjoni diġitali, b'mod partikolari l-mikrofinanzjament tal-proġetti ta’ taħriġ li jorganizzaw iċ-ċentri lokali pubbliċi u li jitwaqqfu ċentri interattivi f'postijiet pubbliċi li joffru aċċess b’xejn għall-internet;

l-Istati Membri jiġu mistiedna jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-familji u l-persuni li ma jistgħux iġorru l-piż finanzjarju tal-materjal bażiku (kompjuter, software, modem), l-aċċess u s-servizz.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 116, 20.4.2001, p. 30; ĠU C 77, 31.3.2009, p.60 u p. 63; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 317, 23.12.2009, p.84; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116; ĠU C 48, 15.2.2011, p.72; ĠU C 54, 19.2.2011, p.58; ĠU C 107, 6.4.2011, p. 44 u p. 58; ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130.

(2)  Ara Eurostat-STAT10/193, 14.12.2010

(3)  Prattika li bl-Ingliż tissejjaħ “edutainment”.

(4)  COM(2010) 245 finali/2; ĠU C 54, 19.02.2011.

(5)  UE, Dikjarazzjoni Ministerjali, Malmö, l-Isvezja, 18.11.2009.

(6)  UE, Dikjarazzjoni Ministerjali “L-ICTs għal soċjetà inklużiva”, Riga, Latvja, 11.06. 2006, punt 4.

(7)  Skont l-Insead, “The school of the world”, ikkwotat mid-DĠ għall-Industrija, is-Sur Richier, seduta at-28.03.2011.

(8)  DIR 2002/22/KE

(9)  ĠU C 94, 18.4.2002; ĠU C 110, 9.5.2006; ĠU C 175, 27.7.2007; ĠU C 224, 30.8.2008; ĠU C 175, 28.7.2009; ĠU C 128, 18.5.2010; ĠU C 44, 11.2.2011; ĠU C 54, 19.2.2011; ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53.

(10)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 17; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 115; ĠU C 74, 23.3.2005, p. 44.

(11)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84.

Ara EHTEL, European Health Telematics Association.

(12)  COM(2010) 636 finali; il-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-23 ta’ Diċembru 2010.

(13)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.85.

(14)  Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali 20.10.2005, daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Marzu 2007; Riżoluzzjoni tal-PE tal-5.5.2010 Aġenda diġitali ġdida għall-Ewropa, 2015. eu.

(15)  IMI, (COM(2011) 75 finali), 21.2.2011 - Kooperazzjoni u l-Ewropa/ Żvilupp ekonomiku impjieg, www.ec.europa.eu/imi-net.

(16)   Cloud computing: użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni mmirat fuq il-kunsinna tal-prodotti, is-servizzi u s-soluzzjonijiet tal-ġestjoni fiż-żmien reali bl-internet jew f'kumpanija (privata) jew esternament (pubblika) jew f'forma ibrida. Opinjoni tal-KESE (TEN/452) li għadha qed titfassal.

(17)  it-tagħlim onlajn: l-użu tat-teknoloġiji multimedjali l-ġodda u tal-internet sabiex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi jiġi faċilitat l-aċċess mill-bogħod għar-riżorsi u s-servizzi kif ukoll il-kollaborazzjonijiet u l-iskambji. (definizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea - Inizjattiva dwar it-tagħlim onlajn).

(18)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130.

(19)  ĠU C107, 6.4.2011, p. 58 u COM(2010) 521 finali.

(20)  Alex Türk, il-President tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u l-Libertajiet, Franza fid-dokument intitolat “La vie privée en péril, des citoyens sous contrôle” (Il-ħajja privata f'periklu, iċ-ċittadini taħt kontroll), Ed. O. Jacob, 2011, ħidma tal-G29, grupp ta’ ħidma magħmul mir-rappreżentanti ta’ kull awtorità indipendenti ta’ ħarsien tad-data nazzjonali (Artikolu 29, DIR, 24.10.1995.

(21)  Is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp 2007-2013, Deċiżjoni KE 1982/2006 tat-18.12.2006.

(22)  Opinjoni 5/2009 tal-G29 dwar in-netwerks soċjali onlajn, 12.6.2009, Kapitolu 5 punt 8: l-iżvilupp ta’ defaults teknoloġiċi għar-rispett tal-ħajja privata.

(23)  www.ec.europa.eu/eyouguide.

(24)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar aġenda diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu punt 29, bosta “Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kriminalità diġitali.”

(25)  Dok. Nru 3708 INFOSOC, Marzu 2008 – Karta tad-Drittijiet tal-Konsumatur fid-dinja diġitali.

(26)  COM(2010) 245, finali/2, Azzjoni 4.

(27)  Dikjarazzjoni ta’ Malmö, 2009.

(28)  Ftehim Qafas konkluż mill-ETUC-BUSINESSEUROPE, CEEP u l-UEAPME- 2010.

(29)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas Ewropew tal-kwalifiki għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja kollha (2008/C 111/01).

(30)  Konsultazzjoni miftuħa sat-2.5.2011.

(31)  PE, Rapport Podimata dwar l-imposta fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – 529 vot favur, 127 vot kontra u 18-il astensjoni -(8 & 9.3.2011).

(32)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 8.

(33)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 72.

(34)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-Sħubija tal-Lvant u d-dimensjoni tal-Lvant tal-politiki tal-UE, b’enfasi partikolari fuq il-politika agrikola tal-UE, is-sikurezza tal-ikel, il-kummerċ mingħajr ostakli, iktar kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp, u sħubija strateġika” (opinjoni esploratorja)

2011/C 318/03

Relatur: is-Sur KALLIO

Nhar it-30 ta’ Novembru 2010, il-Presidenza Pollakka futura tal-UE ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Is-Sħubija tal-Lvant u d-dimensjoni tal-Lvant tal-politiki tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-politika agrikola tal-UE, is-sikurezza tal-ikel, il-kummerċ mingħajr ostakli, iktar kooperazzjoni u għajnuna għall-iżvilupp, u sħubija strateġika

(opinjoni esploratorja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tatal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'149 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jenfasizza li l-objettivi tal-pajjiżi tas-sħubija u r-rieda tagħhom li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi politiċi u ekonomiċi huma importanti fin-negozjati għall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u kummerċ ħieles mal-Unjoni Ewropea.

1.2   Il-KESE jqis li hija kwistjoni importanti li wieħed jara kemm fil-fatt il-pajjiżi tas-sħubija huma kapaċi jew kemm għandhom rieda politika li jimpenjaw ruħhom li jwettqu r-riformi ekonomiċi u soċjali meħtieġa skont dawn il-ftehimiet.

1.3   Il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-ftehimiet ta’ assoċjazjoni u ta’ kummerċ ħieles ikollhom l-għan li jirrikonċiljaw l-interessi tal-pajjiżi tas-sħubija u dawk tal-UE biex b'hekk il-partijiet kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-progress fil-futur.

1.4   Fil-fehma tal-Kumitat, l-istrateġija ta’ negozjar tal-UE għandha tikkunsidra iktar il-pożizzjoni tas-settur agrikolu u s-sinifikat tal-politika agrikola għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija. Is-settur agrikolu u tal-ikel irid jaqdi rwol iżjed konkret fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija.

1.5   Il-KESE jenfasizza li sal-lum, l-agrikoltura u l-politika agrikola qatt ma kienu fuq il-Pjattaforma dwar l-Integrazzjoni Ekonomika u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE. L-agrikoltura, il-produzzjoni tal-ikel u l-politika agrikola għandhom jiġu inklużi mas-suġġetti diskussi.

1.6   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-agrikoltura hija settur estremament importanti għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali tal-pajjiżi tas-sħubija. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti jeħtieġ li jkun hemm żvilupp agrikolu favorevoli. L-investiment fl-agrikoltura u l-iżvilupp tas-settur huma wkoll kundizzjonijiet ewlenin biex jitnaqqas il-faqar fiż-żoni rurali.

1.7   Il-KESE jikkunsidra li hu importanti li jiġu żviluppati l-kompetittività u s-sikurezza tal-ikel tal-prodotti agrikoli u tal-ikel fil-pajjiżi tas-sħubija, kif ukoll il-kwalità tat-tipi ta’ ikel ieħor tagħhom. Intwera li hemm problema serja biex jiġu ssodisfati l-kriterji tar-regolamenti u l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS) fil-Ftehim tad-WTO sabiex jiġi żgurat l-aċċess fis-suq ta’ prodotti tal-ikel mill-pajjiżi tas-sħubija. Biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel fis-swieq tal-UE jeħtieġ li jkun hemm konformità mal-kriterji tal-kwalità. Biex ikunu jistgħu jegħlbu dawn il-problemi, il-pajjiżi tas-sħubija jeħtieġu appoġġ u pariri tekniċi u finanzjarji.

1.8   Id-diffikultà li jsibu l-pajjiżi tas-sħubija biex jissodisfaw ir-regolamenti u l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS) tad-WTO għall-prodotti tal-ikel meħtieġa skont l-UE ġiet identifikata bħala impediment ewlieni għall-kummerċ tal-prodotti agrikoli. Iżda l-Kummissjoni, kull fejn u meta jkun possibbli, għandha tfittex li tinnegozja rikonoxximent reċiproku f'dawk il-każijiet fejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant diġà għandhom standards SPS eżistenti u effettivi, anke jekk dawn ma jkunux strettament kompatibbli. Bl-istess mod, kemm l-UE kif ukoll dawn il-pajjiżi għandhom ikunu viġilanti kemm jista' jkun biex jiżguraw li ladarba jidħlu fis-seħħ il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), partijiet minn pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jsibu mezz ieħor biex jimportaw fl-UE prodotti tal-ikel illegali jew ta’ standard baxx, jew ta’ theddid ieħor rikonoxxut għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti. Il-KESE jipproponi li s-suġġett tal-SPS isir punt speċjali ġdid fil-lista tal-inizjattivi ewlenin.

1.9   Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq teħtieġ kambjament fil-mentalità, żvilupp tal-leġislazzjoni u tal-istituzzjonijiet kif ukoll kapaċitajiet tekniċi komprensivi biex jiġu adattati l-metodi u l-prattiki tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar u tal-kummerċ estern.

1.10   Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni b'mod partikolari fl-oqsma tat-taħriġ u r-riċerka, filwaqt li l-proġetti ta’ riċerka konġunti, iż-żjarat u s-seminars huma importanti għall-iżvilupp ta’ fehim reċiproku u mudelli operattivi.

1.11   Il-KESE jenfasizza wkoll li huwa fl-interess komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-sħubija li jiġu evitati l-effetti tal-fertilizzanti u l-pestiċidi li jagħmlu ħsara lill-ambjent, kemm lill-ħamrija kif ukoll lis-sistemi tal-ilma. Objettiv ieħor importanti għall-iżvilupp huwa li jiġi żgurat iċ-ċiklu tan-nutrijenti.

1.12   Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija hija wkoll importanti ħafna għall-iżvilupp agrikolu.

1.13   Il-KESE jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol approvati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Xogħol (ILO) huwa element ewlieni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa importanti li standards tax-xogħol approvati fil-livell internazzjonali jiġu rrispettati fiż-żoni ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi li qed jinħolqu bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija.

1.14   Il-KESE jemmen li għandu jingħata appoġġ addizzjonali konsiderevoli lill-organizzazzjonijiet tas-settur tal-ikel mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. L-organizzazzjonijiet għandhom jiġu involuti b'mod wiesa' fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili. Dan jirrigwarda wkoll rwol imsaħħaħ għall-KESE u parteċipazzjoni bilanċjata f'din il-ħidma importanti min-naħa tal-organizzazzjonijiet li huwa jirrappreżenta.

1.15   Il-KESE jemmen li l-UE u l-gvernijiet tal-pajjiżi tas-sħubija għandhom jappoġġjaw u jħeġġu l-ħolqien tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tħejjija tal-istrateġija tas-Sħubija tal-Lvant u fl-iżvilupp ta’ proċessi biex b'hekk ikun hemm soċjetà ċivili ħielsa li tkun tista' tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni fl-agrikoltura.

2.   Sfond

2.1   Huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea li jkun hemm stabbiltà, governanza aħjar u żvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li jmissu mal-fruntieri tal-Lvant tagħha. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat kellha suċċess fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet iktar fil-qrib bejn l-UE u l-ġirien tagħha. Din il-politika, li ġiet approvata fi Praga fl-2009, trid tmur lil hinn minn hekk. L-imsieħba tagħna (1) fl-Ewropa tal-Lvant u fil-Kawkażu tan-Nofsinhar kollha kemm huma jfittxu li jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE. L-UE tappoġġja bis-sħiħ lil dawn il-pajjiżi fl-isforzi tagħhom biex isaħħu r-relazzjoni tagħhom mal-UE. Permezz tas-Sħubija tal-Lvant, li tagħmel parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, qed jiġu promossi bil-qawwa riformi essenzjali, għaliex il-pajjiżi tas-sħubija bħalissa qed ibatu minn nuqqasijiet sinifikanti f'termini tal-objettivi politiċi u l-implimentazzjoni prattika tad-demokrazija.

2.2   Skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew (2), is-Sħubija tal-Lvant se twassal għal tisħiħ konsiderevoli tal-politika tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi ġirien u l-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant billi se tipprova toħloq kundizzjonijiet għal assoċjazzjoni politika u għal aktar integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tal-Lvant tagħha.

2.3   L-objettiv tan-negozjati bilaterali huwa li jiġi konkluż ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ kull pajjiż, liema ftehim jinkludi fih Żona ta’ Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva (DCFTA (3)) (4) bħala element ewlieni.

2.4   L-objettivi tal-pajjiżi tas-sħubija u r-rieda politika biex jiġu konklużi ftehimiet mal-Unjoni Ewropea huma importanti għall-progress tan-negozjati. Il-mistoqsija ewlenija hija kemm fil-fatt il-pajjiżi tas-sħubija huma kapaċi jew kemm għandhom rieda politika li jimpenjaw ruħhom biex iwettqu r-riformi ekonomiċi u soċjali meħtieġa skont dawn il-ftehimiet.

2.5   Il-pajjiżi tas-sħubija impenjaw ruħhom fid-dikjarazzjoni ta’ Praga li jwettqu riformi politiċi u ekonomiċi. Id-demokrazija, il-governanza tajba u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-qerda tal-korruzzjoni kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżgurar tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma importanti. Il-punt tat-tluq għar-riformi ekonomiċi huwa l-applikazzjoni tal-prattiki tal-ekonomija tas-suq u l-ħidma biex ir-regoli u r-regolamenti isiru konformi mal-leġislazzjoni tal-UE (5).

2.6   L-approċċ multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant jissupplementa r-relazzjonijiet bilaterali billi jistabbilixxi l-kooperazzjoni, id-djalogu miftuħ u l-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi. Il-kooperazzjoni hija żviluppata permezz (6) ta’ pjattaformi tematiċi u ċerti inizjattivi ewlenin (7) kif ukoll permezz tal-ħidma tal-forum tas-soċjetà ċivili. Il-konverġenza tas-settur agrikolu u tal-politika agrikola taqa' f'idejn il-Pjattaforma dwar l-Integrazzjoni Ekonomika. Ir-rwol tal-agrikoltura u tal-politika agrikola għadu sal-lum il-ġurnata ineżistenti. Dawn iridu jiġu inklużi mas-suġġetti diskussi.

2.7   L-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel huma industriji kruċjali fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant. Is-sehem tagħhom tal-PGD huwa wieħed kbir, peress li l-industrija tħaddem numru konsiderevoli ta’ nies. It-tkabbir qawwi tal-produzzjoni agrikola u tal-ikel huwa kundizzjoni għat-tkabbir tal-ekonomija kollha kemm hi u fl-istess ħin għat-tnaqqis tal-faqar.

2.8   Din l-opinjoni:

a.

tenfasizza l-ħtieġa li jiġi spjegat fid-dettall l-approċċ strateġiku tal-UE għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inkluż l-approċċ fil-qasam tal-politika agrikola,

b.

teżamina l-proġetti fis-settur agrikolu li ġew implimentati jew li għadhom għaddejjin, li jappoġġjaw l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant, u

c.

tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwistjonijiet agrikoli huma marbuta ma’ ħafna oqsma tal-politika tal-UE u mal-objettivi tagħhom fil-politika tas-sħubija.

2.9   Il-KESE jissuġġerixxi li l-istrateġija ta’ negozjar tal-UE għandha tikkunsidra l-importanza tal-politika agrikola fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija u l-pożizzjoni tas-settur agrikolu fil-politika tal-iżvilupp tal-pajjiżi tas-sħubija.

2.10   Il-pajjiżi tas-sħubija huma produtturi importanti taż-żrieragħ, tal-prodotti mill-bhejjem, tal-ħxejjex, tal-basal, tat-tuberi u tal-għeruq li jittieklu kif ukoll tal-frott u l-għeneb. L-Ukraina hija waħda mill-iktar produtturi importanti taż-żrieragħ fid-dinja kollha. Fl-2008 kienet tokkupa t-tmien post fil-lista tal-akbar produtturi u s-seba' post fil-lista tal-akbar esportaturi. Filwaqt li l-produttività qed tittejjeb, ir-rendiment annwali tal-uċuħ tar-raba' xorta jista' jiżdied b'mod konsiderevoli. Filwaqt li r-rendiment annwali fl-Ukraina jvarja bejn 40 u 50 miljun tunnellata, it-total annwali ta’ żrieragħ fil-ħames pajjiżi tas-Sħubija l-oħrajn jammonta għal madwar 15-il miljun tunnellata.

2.11   L-UE-27 hija l-akbar imsieħba kummerċjali tal-Ukraina, tal-Armenja, tal-Ażerbajġan, tal-Ġeorġja u tal-Moldova (8) u t-tieni l-akbar imsieħba kummerċjali tal-Bjelorussja (9). Iktar minn nofs l-esportazzjonijiet mill-Moldova u ftit inqas minn 50 % tal-esportazzjonijiet mill-Armenja u mill-Ażerbajġan imorru lejn pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, il-prodotti agrikoli għandhom rwol importanti ħafna fil-kummerċ tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant mal-UE.

3.   Elementi strateġiċi tal-agrikoltura u tal-politika agrikola

3.1   Il-KESE jenfasizza li l-agrikoltura hija settur partikolarment importanti għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali tal-pajjiżi tas-sħubija. It-titjib fis-sikurezza tal-ikel huwa wkoll objettiv soċjali ewlieni għal dawn il-pajjiżi. Biss biss, hemm ħtieġa enormi ta’ teknoloġiji u ta’ għarfien espert dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni. Objettiv ieħor tal-pajjiżi tas-sħubija huwa li jiġu żviluppati l-kwalità u l-kompetittività tal-prodotti agrikoli u tal-ikel.

3.1.1   Element strateġiku ieħor li għandu jitqiesu huwa l-politika tal-iżvilupp rurali, bħala t-tieni pilastru tal-PAK, li jagħmel possibbli li l-fondi tal-UE jintużaw biex tittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali taż-żoni u l-popli rurali. Mhijiex biss kwistjoni li l-produzzjoni tal-irziezet tissodisfa r-rekwiżiti tal-UE, iżda wkoll li jiġu salvagwardjati l-impjiegi u l-abitabilità taż-żoni rurali, skont il-kultura tagħhom u l-miżuri ambjentali li jiżguraw l-iżvilupp rurali sostenibbli.

3.2   B'suq ta’ 500 miljun konsumatur, l-Unjoni Ewropea hija l-akbar żona kummerċjali fid-dinja f'termini tal-poter tal-akkwist. Il-prossimità tas-swieq tipprovdi lill-pajjiżi tas-sħubija u lill-UE l-possibilità li jtejbu l-kummerċ u b'hekk li jtejbu wkoll il-kundizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku.

3.3   L-objettiv tal-politika agrikola u kummerċjali tal-UE huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq tal-ikel f'kundizzjonijiet li qed jinbidlu. Il-politika segwita għandha tiżgura prodotti ta’ kwalità għolja bi prezzijiet ġusti għall-konsumaturi Ewropej. Huwa importanti li l-politika toħloq stabbiltà għas-swieq, liema swieq jipprovdu għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi filwaqt li jiggarantixxu dħul ġust għall-bdiewa.

3.4   Iż-żamma tas-sikurezza tal-ikel hija wieħed mill-objettivi ċentrali tas-setturi agrikoli u tal-ikel tal-UE. Il-prevenzjoni tal-mard tal-annimali u tal-pjanti, u l-monitoraġġ mill-qrib tar-residwi li huma ta’ ħsara għas-saħħa jiżguraw li l-ikel ikun sikur għall-konsumaturi. Daw il-miżuri ta’ kontroll tal-fruntieri japplikaw ukoll għall-ikel importat fl-UE mill-pajjiżi tas-sħubija.

3.5   Il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-ftehimiet ta’ assoċjazjoni u ta’ kummerċ ħieles ikollhom l-għan li jirrikonċiljaw l-interessi tal-pajjiżi tas-Sħubija u dawk tal-UE biex b'hekk il-partijiet kollha jkunu jistgħu jibbenifikaw mill-progress fil-futur.

4.   Il-punti tat-tluq għan-negozjati dwar il-kummerċ ħieles u mistoqsijiet ewlenin

4.1   In-negozjati dwar iż-żona ta’ kummerċ ħieles ikopru sensiela vasta ta’ kwistjonijiet relatati mal-kummerċ: it-tariffi, is-servizzi, il-formalitajiet tad-dwana, ir-regolamenti u l-istandards stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (Ftehim SPS), l-akkwist pubbliku, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-istrumenti tal-ħarsien tal-kummerċ u l-aspetti tekniċi għall-protezzjoni fil-fruntieri (10).

4.2   In-negozjati mal-Ukraina dwar id-DCFTA ilhom għaddejjin b'mod intensiv għal sentejn sħaħ. In-negozjati bdew wara li l-Ukraina saret membru uffiċjali tad-WTO fl-2008 (11). Għad irid isir progress fin-negozjati iżda dan il-għan jista' jintlaħaq fl-2011.

4.3   Sabiex jinbdew negozjati ekwivalenti dwar żona ta’ kummerċ ħieles tinħtieġ is-sħubija fid-WTO. Bħalissa qed isiru sforzi biex, mill-aktar fis possibbli, jitniedu n-negozjati mal-Moldova, l-Armenja u l-Ġeorġja. Il-Moldova wriet ir-rieda li tkompli għaddejja bin-negozjati pjuttost malajr.

4.4   L-Ażerbajġan għadu mhux membru tad-WTO, u dan ifisser li għadhom ma jistgħux jibdew in-negozjati dwar il-kummerċ ħieles. Barra minn hekk, ma jeżistux il-kondizzjonijiet politiċi għan-negozjati dwar il-kummerċ ħieles mal-Bjelorussja.

4.5   Irriżulta li hemm problema serja biex jiġu ssodisfati r-regolamenti stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (Ftehim SPS) sabiex jiġi żgurat l-aċċess għas-suq għall-prodotti agrikoli u tal-ikel. Il-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitari u fitosanitarji (Fethim SPS) u l-istandards ambjentali u sanitarji oħra fl-UE jirrikjedu li l-Ukraina u l-pajjiżi tas-sħubija l-oħrajn iwettqu attivitajiet ta’ żvilupp sinifikanti. Għalhekk, il-pajjiżi tas-sħubija jeħtieġu appoġġ u pariri tekniċi u finanzjarji.

5.   L-iżvilupp tas-settur agrikolu fil-pajjiżi tas-sħubija

5.1   Il-Programm tas-Sħubija tal-Lvant, li ntlaħaq qbil dwaru fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009, ħoloq livell ġdid għall-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-UE u s-sitt pajjiżi tas-sħubija. L-UE allokat EUR 600 miljun għall-kooperazzjoni għall-perjodu 2010-2013. Il-finanzjament jiġi allokat permezz tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI) (12).

5.2   Għall-perjodu 2007-2011, hemm bejn 10 u 12-il proġett speċifiku għall-iżvilupp tal-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel (13). Ħafna proġetti kienu żgħar. Il-proġett għat-titjib tal-produzzjoni tal-inbid fil-Moldova kien l-akbar wieħed. Huwa ffinanzjat flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-proġett beda fl-2010.

5.3   Madwar nofs il-proġetti jippruvaw itejbu s-sikurezza tal-ikel fil-pajjiżi tas-sħubija billi jiżviluppaw għarfien tekniku, fost oħrajn, f'attivitajiet relatati mal-SPS. Uħud mill-proġetti huma mmirati lejn l-iżvilupp tal-ġestjoni u l-ippjanar tal-agrikoltura. Fl-2009, il-Ġeorġja ġiet allokata ftit inqas minn EUR 2 miljun biex ittejjeb is-sikurezza tal-ikel għat-tfal f'riskju.

5.4   Fin-negozjati ta’ assoċjazzjoni mal-Ukraina, iż-żewġ naħat enfasizzaw, fost affarijiet oħrajn, l-importanza li tittejjeb il-kompetittività tal-produzzjoni agrikola u l-objettiv li jiġu kkunsidrati l-elementi ta’ kwalità tal-ikel (14). F'termini prattiċi, l-appoġġ tal-UE f'dan is-settur għandu jkollu l-għan li jiżviluppa l-istituzzjonijiet, il-pariri u t-taħriġ.

5.5   Fil-prattika nstab li l-pajjiżi tas-sħubija jgħaddu minn proċess twil biex jgħaddu minn ekonomija ppjanata għal waħda tas-suq. Għandu jkun hemm sforz biex jiġi promoss dan il-proċess u huwa għandu jingħata l-konsiderazzjoni dovuta. Barra mill-kambjament fil-mentalità, it-tranżizzjoni teħtieġ żvilupp tal-leġislazzjoni u l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet kif ukoll ta’ kapaċitajiet tekniċi biex jiġu adattati l-metodi u l-prattiki tal-produzzjoni primarja, tal-ipproċessar u tal-kummerċ estern. Il-kooperazzjoni fis-sħubija u l-programmi tal-UE għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet għad-diversifikazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam agrikolu u t-titjib tal-kundizzjonijiet kummerċjali.

5.6   Intgħażlu suġġetti partikolari bħala objettivi ta’ żvilupp għall-UE u l-pajjiżi tas-sħubija, fejn ġie ppruvat li dawn huma kruċjali fin-negozjati bilaterali. It-temi u s-suġġetti ta’ dawn l-oqsma huma magħrufin bħala inizjattivi ewlenin. Ladarba d-diffikultà li jiġu ssodisfati r-regolamenti u l-istandards sanitarji u fitosanitarji stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji (Ftehim SPS) ġiet identifikata bħala impediment fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel, dan is-suġġett għandu jiġi inkluż fl-inizjattivi ewlenin.

6.   Jitqiesu l-fatturi ambjentali u l-impatt soċjali

6.1   Il-produzzjoni agrikola u l-industrija tal-ikel għandhom impatt konsiderevoli fuq l-ambjent lokali. L-għażla tal-metodi ta’ kultivazzjoni taffettwa l-kwalità tal-ħamrija u l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art b'mod partikolari. Huwa fl-interess komuni tal-UE u tal-pajjiżi tas-sħubija li jipprevjenu l-effetti tal-fertilizzanti u l-pestiċidi li jagħmlu ħsara lill-ambjent, kemm lill-ħamrija kif ukoll lis-sistemi tal-ilma. Objettiv ieħor importanti għall-iżvilupp huwa li jiġi żgurat iċ-ċiklu tan-nutrijenti.

6.2   Dak li jiġri fis-swieq tal-enerġija globali u fil-ġestjoni tal-enerġija ta’ kull pajjiż huwa fattur importanti fl-iżvilupp u s-suċċess tal-produzzjoni agrikola. Ir-rendimenti jiddependu mid-disponibilità u l-prezz tal-“inputs” li jirrikjedu l-enerġija, bħal pereżempju l-fertilizzanti. Fl-istess ħin, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għandha impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel, għaliex xi ftit mill-bijoenerġija tista' tiġi prodotta f'żoni agrikoli. Il-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija hija għalhekk importanti ħafna għall-iżvilupp agrikolu wkoll.

6.3   Fl-interazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tas-sħubija, għandha tingħata kunsiderazzjoni lir-rwol tas-settur agrikolu fl-iżvilupp taż-żoni rurali fil-pajjiżi tas-sħubija. Mingħajr żvilupp reġjonali favorevoli, id-differenzi fil-faqar bejn id-diversi reġjuni se jilħqu livelli serji.

6.4   Element ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem huwa r-rispett tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Xogħol (ILO). Huwa importanti li dawn l-istandards tax-xogħol adottati jiġu rrispettati fiż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija.

7.   L-iżvilupp tal-kooperazzjoni amministrattiva u ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni

7.1   L-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant, tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, taż-żona tal-kummerċ ħieles profonda u komprensiva u forom oħra ta’ kooperazzjoni tirrikjedi interazzjoni konsiderevoli u kooperazzjoni fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, l-awtoritajiet u l-esperti kif ukoll l-organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijeit soċjoekonomiċi u tas-soċjetà ċivili. Dan għandu jiġi kkunsidrat fl-implimentazzjoni tal-programm tas-Sħubija tal-Lvant.

7.2   Jeħtieġ li l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-pajjiżi tas-sħubija, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, tiġi rikonoxxuta bħala promotur tal-bidla. L-UE rrikonoxxiet il-valur tal-kooperazzjoni kulturali u tad-djalogu interkulturali bħala parti integrali tal-politiki esterni (15).

7.3   Il-kooperazzjoni tista' tiġi żviluppata b'mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ u r-riċerka, fejn proġetti ta’ riċerka konġunti, żjarat u seminars huma importanti għall-iżvilupp ta’ fehim reċiproku u mudelli operattivi.

8.   Ir-rwol u l-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet għandhom jissaħħu

8.1   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija. Il-KESE jipproponi appoġġ għal iktar żvilupp tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għat-tisħiħ tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant.

8.2   Ir-rwol u l-istatus tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant huma dgħajfa. Biex tiġi żviluppata d-demokrazija, huwa kruċjali li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ħielsa. Il-KESE diġà ħejja opinjonijiet dwar it-tisħiħ u l-appoġġ tar-rwol tal-organizzazzjonijet u tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi inkwistjoni. Il-Kumitat ħejja opinjoni (16) dwar is-suġġett taħt il-Presidenza Ċeka fir-Rebbiegħa tal-2009.

8.3   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili minn dejjem kienet limitata wisq u organizzata ħażin. Element ewlieni tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant għandu jkun il-gwida u l-appoġġ ta’ firxa vasta ta’ organizzazzjonijiet biex b'hekk l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jipprovdu valur miżjud sinifikanti għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-sħubija.

8.4   Il-pożizzjoni u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet fis-settur agrikolu huma wkoll relattivament dgħajfa. Biex tiġi żviluppata l-industrija u msaħħa l-kooperazzjoni tal-UE, l-organizzazzjonijiet tas-settur agrikolu għandhom jiġu żviluppati billi jittejjeb it-taħriġ u jiġu promossi l-kapaċitajiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll b'rabta maż-żamma tar-relazzjonijiet mal-UE u mal-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant.

8.5   Sabiex jiġi promoss il-programm tas-Sħubija tal-Lvant, l-organizzazzjonijiet tas-settur agrikolu u tal-ikel għandu jkollhom rwol usa', b'mod sinifikanti, fid-diversi stadji tal-proċess. Il-kumplessità tal-katina tal-provvista tal-ikel toħloq sfidi addizzjonali kemm għall-ħaddiema, l-industrija, ir-riċerka, l-iggwidar u l-ġestjoni, kif ukoll għall-produtturi. L-appoġġ tal-attivitajiet tal-partijiet kollha u t-titjib tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet huma kundizzjonijiet bażiċi li bihom il-komunità agrikola tal-pajjiżi tas-sħubija u tal-UE tkun tista' tipproduċi riżultati sostenibbli li minnhom jibbenefikaw iż-żewġ naħat. Huwa kruċjali li jiżdiedu l-attivitajiet konġunti fil-KESE, fl-organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE u fl-organizzazzjonijiet nazzjonali.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-imsieħba tal-Lvant huma l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkażu tan-Nofsinhar li huma koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, il-Moldova, l-Ukraina u l-Bjelorussja. COM(2008) 823 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Is-Sħubija tal-Lvant

(2)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sħubija tal-Lvant, Brussell, 20 ta’ Marzu 2009, 7880/09, CONCL 1.

(3)  DCFTA = Deep and Comprehensive Free Trade Area

(4)  Alexander Duleba & Vladimir Bilčik: Lejn Qafas Reġjonali Strateġiku għall-Politika tal-Lvant tal-UE, it-Tiftixa ta’ Sinerġiji bejn is-Sħubija tal-Lvant u s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni mar-Russja, Bratislava 2010.

(5)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea: Il-konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew fi Brussell, 19/20 ta’ Marzu 2009, 7880/09, CONCL 1.

(6)  L-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant: Rapport dwar il-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, 13 ta’ Diċembru 2010.

(7)  L-inizjattivi ewlenin huma dawn imsemmija hawn taħt (www.eeas.europa.eu/eastern/initiatives/index_en.htm?)

a)

Programm Integrat għall-Ġestjoni tal-Fruntieri

b)

Inizjattiva Ewlenija tal-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SME)

c)

Is-swieq tal-enerġija reġjonali u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

d)

Il-prevenzjoni, il-preparazzjoni u r-rispons għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem

e)

Inizjattiva ewlenija għall-promozzjoni tal-governanza ambjentali tajba

f)

Id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija; il-Passaġġ tan-Nofsinhar.

(8)  UE: DĠ TRADE: Statistika.

(9)  Il-Kummissjoni Ewropea: kummerċ, relazzjonijiet bilaterali, pajjiżi, il-Bjelorussja.

(10)  Ara n-nota 6 fil-qiegħ tal-paġna.

(11)  Ir-Raba' Rapport ta’ Progress Konġunt: Negozjati dwar il-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, Kiev, 4-8 ta’ Novembru 2010.

(12)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni, il-Politika Ewropea tal-Viċinat; Istruzzjonijiet dwar il-Finanzjament fil-Qafas tas-Sħubija tal-Lvant, 24 ta’ Settembru 2010.

(13)  Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (EAP), www.easternpartnership.org.

(14)  Kummissjoni Ewropea – DĠ RELEX: lista ta’ oqsma ta’ prijorità għall-Programm ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukraina fl-2010.

(15)  Ara n-nota 2 fil-qiegħ tal-paġna.

(16)  CESE ĠU C 277, 17.11.2009 p. 30-36, “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant”.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/04

Relatur: is-Sur TRIAS PINTÓ

Nhar it-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jfassal opinjoni ta’ inizjattiva proprja dwar

L-edukazzjoni finanzjarja u l-konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, 6 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’dawn l-aħħar snin, iż-żieda dejjem tikber fil-kumplessità u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistema finanzjarja qed jagħmluha iżjed diffiċli li l-prodotti finanzjarji jinftiehmu.

1.1.1   Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE japprezza l-inizjattivi differenti implimentati mill-Kummissjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-sistema finanzjarja. Għalhekk, jitlob lill-industrija finanzjarja tapplika r-regolamentazzjoni l-ġdida u tagħmel użu mill-awtoregolazzjoni biex tħeġġeġ prattiki adatti u onesti, li jipprovdu remedju għall-imġiba ta’ ċerti entitajiet fl-imgħoddi u li jiffaċiliaw l-aċċess għal prodotti finanzjarji trasparenti, biex b’hekk il-konsumaturi jkunu jafu x’qed iħallsu verament u f’liema ċirkustanzi, u jkunu jistgħu jqabblu l-offerti differenti tas-suq.

1.2   It-tisħiħ indispensabbli tar-regolazzjoni, is-superviżjoni u t-trasparenza tas-sistema finanzjarja bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur ta’ prodotti finanzjarji ma tneħħix l-obbligu li ċ-ċittadini jiżviluppaw il-kompetenzi finanzjarji tagħhom tul ħajjithom kollha, biex b’hekk jikkunsmaw il-prodotti finanzjarji b’mod responsabbli, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet infurmati tajjeb u għalkollox maturi. Essenzjalment, irid jinħoloq “trijanglu virtuż” bejn l-edukazzjoni finanzjarja, ir-regolazzjoni tas-swieq u l-protezzjoni tal-konsumatur.

1.3   L-edukazzjoni finanzjarja għandha titqies bħala politika olistika, imsejsa fuq il-kollaborazzjoni tal-atturi kkonċernati kollha: l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-settur finanzjarju, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-għaqdiet tal-konsumatur, is-sistema edukattiva u, b’mod ġenerali, iċ-ċittadini tagħhom bħala konsumaturi ta’ prodorti finanzjarji. Madankollu, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom isiru minn korpi li huma ħielsa minn kull kunflitt ta’ interessi.

1.4   Fil-qafas ta’ sistema edukattiva li tistimula liċ-ċittadini Ewropej jiżviluppaw l-ispirtu kritiku tagħhom, l-edukazzjoni finanzjarja trid titkompla tul ħajjet il-persuni. Il-KESE jitlob li l-edukazzjoni finanzjarja ssir suġġett obbligatorju fil-kurrikulu tal-iskejjel, u għandha titkompla permezz ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema. Fost l-oħrajn, l-għan tal edukazzjoni finanzjarja bħala suġġett akkademiku għandu jkun li jħeġġeġ il-ġestjoni responsabbli tal-affarijiet finanzjarji (tfaddil, użu tal-karti tal-kreditu, self, eċċ.) u l-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli. Il-KESE jappoġġja l-miżuri ta’ regolazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-prodotti bażiċi adottati mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tiżdied it-trasparenza u tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza.

1.5   Edukazzjoni finanzjarja li tkun aċċessibbli għal kulħadd tgawdi minnha s-soċjetà kollha. Il-proġetti fil-qasam tal-iżvilupp tal-kompetenzi finanzjarji għandhom ikunu mmirati prinċipalment lejn is-sezzjoni tal-popolazzjoni li hija f’periklu ta’ esklużjoni finanzjarja, u, min-naħa tiegħu, is-settur finanzjarju għandu jinvolvi ruħu b’mod attiv f’azzjonijiet li jiffukaw fuq għan doppju – il-mikrofinanzjament u l-edukazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi.

1.6   Il-KESE jixħet dawl fuq l-impatt limitat tal-programmi attwali tal-edukazzjoni finanzjarja, u jenfasizza li l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-programmi edukattivi differenti u l-effettività tal-mezzi ta’ aċċess użati huma importanti daqs li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ taħriġ li għandhom il-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji u li jitfasslu proposti ad hoc. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jridu jagħtu sehemhom.

1.7   Indubbjament, l-edukazzjoni finanzjarja hija element prinċipali biex ma tintilifx il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u jiġi żgurat konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji. Għalhekk, minn issa ’l quddiem, huwa indispensabbli li l-istituzzjonijiet (pubbliċi u privati) l-iżjed rilevanti u l-partijiet interessati jingħaqdu biex jiżguraw li l-edukazzjoni finanzjarja jkollha l-istrateġiji u r-riżorsi li jistħoqqilha, u biex tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ koordinazzjoni u hħall-insuffiċjenza tas-sinerġiji bejn il-bosta inizjattivi eżistenti (fil-livell internazzjonali, Ewropew jew dak tal-Istati Membri).

1.8   Il-KESE huwa konxju mill-fatt li l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma limitati, iżda huwa tal-fehma li l-edukazzjoni finanzjarja hija iżjed minn sempliċement edukazzjoni per se, peress li tfisser ukoll ir-responsabilizzazzjoni tal-persuni, tittratta l-problema tal-esklużjoni soċjali u tippromovi konsum responsabbli.

1.9   Fl-aħħar nett, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-ħtiġijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji jkunu inklużi fost it-temi pijoritarji tal-laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, b’mo partikolari s-Summit tal-G20. F’dan ir-rigward, jitlob li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-protezzjoni finanzjarja tal-konsumatur.

2.   Il-kultura finanzjarja u r-rwol tal-konsumaturi

2.1   Il-kultura tad-deregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni finanzjarji, il-kreattività fil-qasam tal-finanzi, is-sofistikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji ġodda u n-nuqqas ta’ trasparenza tas-sistema mhux biss huma l-kawża prinċipali tal-kriżi maġġuri li għaddejjin minnha bħalissa, iżda xekklu wkoll il-komprensjoni taċ-ċittadini Ewropej ta’ dan is-suq li diġà huwa fih innifsu kumpless u globalizzat, mgħarraq f’firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji.

2.2   Fis-“soċjetà bbażata fuq l-għarfien”, li għandha tgawdi minn sistema edukattiva li kapaċi tistimula l-ispirtu kritiku taċ-ċittadini tagħha, l-edukazzjoni finanzjarja hija strument strateġiku li għandu jimxi id f’id mar-regolazzjoni l-ġdida tas-sistema finanzjarja. Fil-fatt, mhuwiex possibbli li tinbena sistema finanzjarja iżjed soda, iżjed sigura u iżjed trasparenti mingħajr l-appoġġ ta’ konsumaturi responsabbli u li jimpenjaw ruħhom favur l-iżvilupp tal-kompetenzi finanzjarji tagħhom.

2.3   Il-kunċett ta’ “konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji” – li jinkoraġġixxi liċ-ċittadini jiddistingwu bejn ix-xewqat u l-ħtiġijiet tagħhom – qed jaqbad ġmielu. Anke l-kunċett ta’ “tfaddil responsabbli” qed isir dejjem iżjed popolari. Fuq perjodu twil ta’ żmien, dan il-kunċett jippromovi prodotti soċjalment responsabbli (1), jiġifieri prodotti li jagħtu prestazzjoni aħjar skont kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-intrapriżi (l-hekk imsejħa ESG[Environmental, Social and Corporate Governance] criteria).

2.4   L-għan ma għandux ikun biss it-trażmissjoni tal-għarfien u l-ħiliet (edukazzjoni finanzjarja), iżda wkoll li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet infurmati (litteriżmu finanzjarju) fil-ġestjoni tal-finanzi personali tagħhom fid-dinja reali (tisħiħ tal-kompetenzi finanzjarji).

2.5   Fl-aħħar nett, parti kbira mid-deċiżjonijiet li jieħu individwu kwalunkwe tul ħajtu – nibdew mit-tiftix tal-fondi fil-ħajja ta’ student u nispiċċaw bl-ipjjanar ta’ pensjoni meta wieħed jirtira – huma marbuta ma’ aspett finanzjarju, li għandu impatt dirett fuq il-ħajja personali tiegħu u l-familja tiegħu (2).

2.6   Barra minn hekk, fid-dawl tal-kriżi ekonomika internazzjonali attwali, l-interess dejjem jikber taċ-ċittadini għall-iżvilupp sostenibbli u l-imġiba tal-intrapriżi fil-konfront tal-aspett ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-intrapriżi (ESG criteria), hemm bżonn ta’ iżjed informazzjoni dwar kif dawn il-kriterji jistgħu jagħnlu parti mid-deċiżjonijiet finanzjarji tal-konsumaturi individwali.

2.7   Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li huwa fundamentali li jiġi żgurat li l-kategoriji kollha tal-popolazzjoni jkollhom kultura finanzjarja adegwata tul ħajjithom kollha, bil-għan li ma jitilfux il-fiduċja f’sistema finanzjarja rregolata tajjeb, u bil-għan li jiġu garantiti l-iżvilupp u l-istabbiltà tagħha. B’hekk, jiġi promoss konsum intelliġenti tal-prodotti finanzjarji, fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet infurmati tajjeb u għalkollox maturi. Din il-kwistjoni qed issir għan komuni għall-gvernijiet u l-korpi regolatorji u ta’ superviżjoni.

2.8   L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom rwol importanti x’jaqdu wkoll. Biex dan iseħħ, is-soċjetà trid tkun tista’ tiddependi mill-impenn ta’ industrija finanzjarja li tiggarantixxi prattiki onesti u trasparenti fil-prestazzjoni tas-servizzi lill-klijenti, u taġixxi b’mod ċar fl-interess tagħhom.

3.   Miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja

3.1   Bil-kunċett “edukazzjoni finanzjarja” nifhmu l-proċess li permezz tiegħu l-konsumaturi jsiru jafu u jifhmu aktar dwar il-prodotti finanzjarji, ir-riskji finanzjarji u l-opportunitajiet li jipprovdi s-suq, biex b’hekk ikunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet ta’ natura ekonomika fuq il-bażi ta’ informazzjoni adatta. Is-soċjetà kollha tgawdi minn edukazzjoni finanzjarja li tkun aċċessibbli bis-sħiħ, peress li jitnaqqas ir-riskju ta’ esklużjoni finanzjarja u l-konsumaturi jitħeġġu jippjanaw bil-quddiem u jfaddlu, li jgħinhom ukoll ma jidħlux f’dejn eċċessiv.

3.2   Bil-għan li jippromovu l-kultura finanzjarja fost il-konsumaturi, il-korpi regolatorji, l-istituzzjonijiet finanjarji u l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili nedew firxa ta’ inizjattivi msemmija “Pjani ta’ edukazzjoni finanzjarja”.

3.3   Dan il-kunċett mhuwiex ġdid: l-OECD (3), il-Kummissjoni Ewropea (4), u l-ECOFIN fi ħdan il-Kunsill (5) ilkoll indirizzaw dan is-suġġett fil-passat.

3.4   L-iżjed miżuri sinifikattivi meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan il-qasam kienu l-implimentazzjoni ta’ sezzjoni vasta dwar l-edukazzjoni finanzjarja bħala parti mill-proġett dwar l-edukazzjoni tal-konsumatur imsemmi DOLCETA (Development of On Line Consumer Education Tools for Adults – żvilupp tal-għodod onlajn għall-edukazzjoni tal-adulti dwar il-konsum) u t-twaqqif tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (GEEF) mill-Kummissjoni f’Ottubru 2008. Dan il-grupp jiltaqa’ b’mod regolari biex janalizza l-istrateġiji differenti għall-iżvilupp ta’ programmi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, billi jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni pubblika-privata bil-għan li jtejjeb il-mod li bih jiġu implimentati l-programmi.

3.5   Il-bżonn li tittejjeb l-edukazzjoni finanzjarja huwa ġġustifikat minn għadd ta’ fatturi, bħall-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji l-ġodda, il-bidliet demografiċi (6) u l-qafas legali Ewropew il-ġdid (7).

3.6   Hemm ukoll il-fatt li, b’mod ġenerali, il-popolazzjoni ma għandhiex kultura finanzjarja adegwata. Biex din is-sitwazzjoni tinbidel, hemm bżonn li ċ-ċittadini jkunu konxji tal-ħtieġa li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, il-KESE jitlob li jsiru iżjed kampanji fil-livell nazzjonali għall-pubbliku inġenerali fil-qasam tal-finanzi.

3.7   Il-KESE jaqbel li ċ-ċittadini kollha (tfal, żgħażagħ, persuni mdaħħla fl-età, persuni b’diżabbiltà u gruppi oħra) jkollhom aċċess effettiv għall-programmi maħsuba biex isaħħu l-kompetenzi finanzjarji tagħhom, bis-suġġetti adatti għal kull stadju ta’ ħajjithom, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet u l-interessi ta’ kull grupp. Il-kontenut essenzjali tat-taħriġ (ippjanar finanzjarju, tfaddil, dejn, assigurazzjoni u pensjonijiet, eċċ.) u l-metodu li bih dan it-taħriġ jingħata jridu jkunu akkumpanjati minn mezzi effettivi li jagħlu dan it-taħriġ aċċessibbli għal sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni: skejjel, postijiet tax-xogħol, għaqdiet tal-konsumatur, websajts, pubblikazzjonijiet speċjalizzati, mezzi tax-xandir, eċċ.

3.8   It-tfal u ż-żgħażagħ huma l-pubbliku prijoritarju ta’ dawn il-programmi, iżda l-edukazzjoni finanzjarja hija parti integrali mill-kurrikulu tal-iskejjel f’numru żgħir biss ta’ Stati Membri (8). Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li jekk din is-sitwazzjoni tippersisti, l-għanijiet fil-qasam tal-ksib ta’ kompetenzi finanzjarji mhumiex ser jintlaħqu.

3.9   Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet l-oħra jtejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-qasam tal-investiment soċjalment responsabbli fl-Istati Membri differenti, fil-qafas tal-inizjattivi attwali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

3.10   Il-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja li għaddejjin bħalissa, f’pajjiżi bħar-Renju Unit (programm ta’ konsulenza ta’ natura ġenerali), Franza (Istitut għall-Edukazzjoni Finanzjarja), Spanja (pjan ta’ edukazzjoni finanzjarja għall-perjodu 2008–2012), l-Awstrija (Initiative Finanz Wissen – inizjattiva fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja), eċċ., huma mfassla tajjeb iżda l-istrateġiji għat-twettiq tagħhom mhumiex rigorużi biżżejjed u hemm nuqqas ta’ għarfien fost iċ-ċittadini dwar ir-riżorsi disponibbli għat-taħriġ ipprovduti minn dawn l-istituzzjonijiet.

3.11   Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ iżjed studji bil-għan li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-kontenut edukattiv, tal-mezzi użati għall-aċċess tiegħu u l-proċess li jwassal għall-kejl tat-titjib tal-kompetenzi finanzjarji minn perspettiva fit-tul, speċjalment fir-rigward tal-impatt ta’ din id-dixxiplina fuq l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ.

4.   Imġiba finanzjarja ġdida fost il-konsumaturi

4.1   Il-fatturi demografiċi, soċjokulturali u teknoloġiċi jnisslu fil-konsumaturi tipi ġodda ta’ mġiba finanzjarja. Fil-prattika, illum il-ġurnata l-konsumaturi qed ifittxu prodotti adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, trattament iżjed professjonali u livell ogħla ta’ informazzjoni, jinteressaw ruħhom fejn qed isiru l-investimenti tagħhom (9) u jadottaw approċċ kritiku.

4.2   Gradwalment, ir-rabtiet mill-qrib li l-klijenti kellhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom qed jinħallu: issa qed jużaw numru ta’ korpi differenti, ifittxu bank fil-viċin, jew inkella jużaw bank onlajn u jfittxu servizz effettiv u li l-investiment jirrendi qligħ.

4.3   Biex il-klijenti jibqgħu fidili lejn korp partikolari, jeħtieġ li l-informazzjoni tkun ġestita tajjeb, bil-għan li jiġu analizzati d-drawwiet tal-konsum u jingħataw l-informazzjoni li tirrifletti l-profil tagħhom. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal s’issa, il-konsumatur għandu jqabbel l-informazzjoni li jingħata u jifhmu bis-sħiħ is-servizzi li daħlu għalihom.

4.4   L-għaqdiet tal-konsumatur jirrakkomandaw li l-konsumaturi jadotta firxa ta’ regoli fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji (servizz personalizzat, kwalità tas-servizz, livell ta’ speċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti) qabel ma jsibu ruħhom fil-burraxka biex isibu l-aħjar qligħ possibbli. F’dan ir-rigward, l-edukazzjoni finanzjarja tagħmilha possibbli li l-konsumaturi jkunu konxji mill-periklu ta’ prattiki finanzjarji dubjużi.

5.   Ninkoraġġixxu t-trasparenza bil-għan li nsaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi u nerġgħu niksbu l-fiduċja tagħhom

5.1   Il-miżuri li jittieħdu fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja jridu jkunu akkumpanjati minn regolazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji u mit-tisħiħ effettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji. Madankollu, ir-regolazzjoni finanzjarja ma tneħħix il-bżonn li ċ-ċittadini jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw il-kompetenzi finanzjarji tagħhom tul ħajjithom kollha.

5.2   It-trasparenza hija kriterju indispensabbli fir-relazzjonijiet mal-utenti, u hija wkoll fattur fundamentali biex nerġgħu niksbu l-fiduċja tal-konsumatur fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

5.3   It-trasparenza tal-informazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ rapporti u pubblikazzjonijiet, servizzi ta’ konsulenza responsabbli, leaflets, information sheets, gwidi, mezzi ġodda ta’ konsultazzjoni, preżentazzjonijiet ta’ prodotti u servizzi finanzjarji, eċċ. Il-karattri żgħar, il-klawżoli abużivi fil-kuntratti u l-pubbliċità qarrieqa għandhom jiġu eliminati.

5.4   B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma sors ta’ preokkupazzjoni għall-klijenti: dan jiġri minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, il-kriterji biex titkellem mal-persunal fil-fergħat tal-banek u d-dokumenti nnifishom, li ta’ spiss ma jinftehmux minn persuni li mhumiex esperti fil-qasam finanzjarju. Biex jindirizzaw din is-sitwazjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jiżguraw li l-persunal tagħhom ikun kwalifikat, b’mod li jżomm lill-klijenti infurmati, ikollu djalogu magħhom u juża l-lingwaġġ tagħhom.

5.5   Rigward il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji, l-esiġenzi marbuta mal-informazzjoni ssaħħu, fid-dawl tad-dmir li l-konsumatur jiġi mgħarraf ġenwinament bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt u l-implikazzjonijiet tagħhom, u jrid jitħalla żmien biżżejjed qabel ma tiġi aċċettata l-offerta.

5.6   B’mod partikolari, huwa importanti ħafna li jiġu ppreċiżati r-riskji marbuta ma’ kull operazzjoni u li jsir tentattiv biex ir-risku meħud ikun bilanċjat, fid-dawl tal-fatt li ġie osservat li dan l-aħħar ir-riskju marbuta mal-prodott finanzjarju għadda fuq il-konsumatur. Fil-każ tal-banek onlajn, irid jiġi garantit aċċess sħiħ għall-informazzjoni l-iżjed importanti f’dan ir-rigward.

5.7   Fil-prattika, id-Direttiva Ewropea 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas tiżgura aċċess aħjar għall-informazzjoni. Id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (10) (MIFID – Markets in Financial Instruments Directive) tistabbilixxi l-informazzjoni li trid tingħata meta jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment, applikabbli fl-istadji kollha tan-negozjati ta’ kuntratt: l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta qabel, waqt u wara l-konklużjoni ta’ kuntratt. Din id-direttiva titlob ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri u joffru lill-klijenti tagħhom prodotti li huma l-iżjed adatti għalihom, fuq il-bażi ta’ fatturi soċjokulturali u ta’ riskji marbuta mal-individwu kkonċernat.

5.8   Id-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur ukoll tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur. Hija tistabbilixxi l-prinċipju ta’ “self responsabbli”, li jiżgura li min qiegħed isellef jerfa’ r-responsabbiltà tal-pariri li jagħti u tal-valutazzjoni tas-solvenza attwali u futura tal-konsumatur fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minnu, u fuq il-bażi ta’ informazzjoni maħżuna f’bażi tad-data adatta.

5.9   Fil-ġejjieni, għodda importanti tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumaturi ser ikun l-Att għas-Suq Uniku (11), li jinkludi kapitolu dwar firxa ta’ miżuri maħsuba għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-prodotti finanzjarji bl-imnut, u jagħti attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-miżati bankarji u l-fatt li, attwalment, il-konsumaturi tal-ipoteki mhumiex protetti.

6.   Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki bankarji

6.1   Id-deregolamentazzjoni finanzjarja matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin ħeġġet ir-rabta bejn is-suq bankarju u s-suq tal-kapital. Dan żied il-vulnerabbiltà tad-drittijiet tal-klijenti tal-banek kummerċjali.

6.2   Għalhekk, il-konsumaturi lmentaw dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti finanzjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prodotti sofistikati ġodda.

6.3   Il-Kummissjoni Ewropea (12) tenfasizza dawn il-problemi fundamentali li l-konsumaturi jkollhom mal-bank tagħhom: nuqqasijiet fl-informazzjoni prekuntrattwali, pariri mhux affidabbli, nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-miżati tal-banek u diffikultajiet biex jibdlu għal bank ieħor.

6.4   Biex tiġġieled kontra dawn il-problemi, il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattiva dwar l-awtoregolazzjoni maħsuba għas-settur bankarju biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-miżati tal-banek, u biex jiġi żgurat li jkun iżjed faċli li dawn il-miżati jinftiehmu u jiġu pparagunati ma’ oħrajn. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan il-proġett importanti ta’ armonizzazzjoni, li għandu jwassal għal sistema iżjed standardizzata, li tiffaċilita l-ipparagunar ta’ prodotti differenti. Jisħaq fuq il-bżonn li, biex dan il-proġett jirnexxi, iridu jiġu involuti l-għaqdiet tal-konsumatur f’dan il-proċess.

6.5   Iżda, jeħtieġ li nenfasizzaw ir-riluttanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu lill-klijenti tagħhom aċċess għall-prodotti ta’ istituzzjonijiet oħra jekk dawn iħallulhom qligħ inqas. It-tnedija ta’ prodotti ġodda indipendentement mid-domanda għal dawn il-prodotti hija biss waħda fost l-iżbalji li saru fil-qasam tal-investiment kollettiv.

6.6   Fil-qosor, hemm differenza kbira bejn il-bżonnijiet tal-klijent u l-prodott li jinbiegħlu, u dan huwa l-kaġun ta’ mudell ta’ ġestjoni li fih il-provvista tirreaġixxi għad-domanda, u jittieħed vantaġġ mid-distakk fl-għarfien li qed jikber, fid-dawl tal-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja tal-prodotti finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti “kodiċi ta’ mġiba” stretti, li jorbtu lill-persunal tal-istituzzjonijiet finanzjarji, li permezz tagħhom jitnaqqas il-potenzjal ta’ konflitti ta’ interess bejn l-għoti ta’ pariri u l-kummerċjalizzazzjoni. L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu prova li huma konformi mal-kodiċi tal-kondotta.

6.7   Għalhekk, l-intermedjarji finanzjarji (mhux biss dawk bankarji, iżda wkoll l-aġenti tal-assigurazzjoni, is-sensara finanzjarji, eċċ.) għandhom jadottaw l-aħjar prattiki biex jipproteġu l-konsumatur tas-servizzi finanzjarji, billi jtejbu l-kwalità tal-informazzjoni (ċara, preċiża, tissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijent, li tinftiehem u li tagħmilha possibbli li jsir paragun ma’ offerti oħra), jadottaw politiki li jappoġġjaw l-edukazzjoni finanzjarja ta’ min ifaddal u l-investituri, jagħtu pariri professjonali (affidabbli u onesti) li jiffaċilitaw l-għażla tal-utent u korp indipendenti fdat bil-kompitu li jiddefendi u jħares l-interessi tal-klijenti tal-prodotti finanzjarji (ombudsman).

6.8   Bil-għan li din is-sitwazzjoni tiġi kkonsolidata, il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-intermedjarji finanzjarji jkunu kkwalifikati iżjed biex ikunu jistgħu jaqdu dan ir-rwol edukattiv importanti. L-intermedjarji finanzjarji jiffaċċjaw sfida doppja: l-ewwel nett, li jkunu jafu aħjar il-prodotti li jikkumerċjalizzaw u t-tieni nett, li jkunu kapaċi jgħaddu l-informazzjoni lill-utent b’mod effettiv.

7.   Ninkoraġġixxu l-inklużjoni finanzjarja

7.1   Il-KESE huwa konxju mill-fatt li l-inklużjoni finanzjarja trid tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-inklużjoni soċjali kompleta tal-persuni. F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-garanziji fil-qasam tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, eċċ., jagħmlu l-inizjattivi tal-edukazzjoni fnanzjarja iżjed vijabbli.

7.2   Studji differenti (13) xeħtu dawl fuq l-inadegwatezza tal-edukazzjoni finanzjarja u r-rabta tagħha mal-livell kulturali u l-istatus soċjoekonomiku tal-persuni. Bosta individwi jsibuha bi tqila jġestixxu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u jivvalutaw ir-riskji marbuta mal-investimenti tagħhom. Ġie osservat ukoll li, fost dawn il-persuni, ftit li xejn huma dawk li għandhom pjan għal li jista’ jinbidel fil-qagħda personali tagħhom fil-konfront ta’ ċirkustanzi imprevisti (qgħad, inċidenti, divorzju, mewt tar-raġel jew mara, eċċ).

7.3   F’bosta pajjiżi, appena 30 % tal-popolazzjoni adulta huma kapaċi jikkalkulaw l-interess sempliċi u appena 44 % għandhom għarfien bażiku dwar kif taħdem is-sistema tal-pensjonijiet (14).

7.4   Madwar 70 miljun ċittadin Ewropew, jiġifieri 16 % tal-popolazzjoni totali, huma mhedda bil-faqar. Fost l-għanijiet stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fl-2010 b’rabta mas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali nsibu l-promozzjoni tal-appoġġ tas-soċjetà lill-politiki ta’ inklużjoni, b’enfasi fuq ir-responsabbiltà kollettiva u individwali.

7.5   L-inklużjoni finanzjarja tappoġġja l-proċess ta’ integrazzjoni soċjali. Għalhekk, huwa importanti li jiġu promossi l-inizjattivi li jħeġġu l-inklużjoni finanzjarja tal-gruppi fi ħdan is-soċjetà li huma f’periklu kbir ta’ esklużjoni soċjali (nisa, persuni qiegħda, persuni b’diżabbiltà, persuni mdaħħla fl-età, il-foqra, eċċ.), bil-għan li jkun hemm aċċess universali, billi jiġu żviluppati prodotti u servizzi finanzjarji li huma adattati għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi.

7.6   Fil-kuntest ekonomiku u soċjali attwali, huwa inispensabbli li tiġi enfasizzata l-edukazzjoni finanzjarja orjentata lejn l-ippjanar tal-irtirar, fid-dawl tad-dipendenza kbira mill-iskemi pubbliċi ta’ pensjonijiet kontributtivi, li l-prestazzjoni tagħhom tiddependi mill-kontribuzzjonijiet imħallsa (earnings-related benefits). Għalhekk, bil-għan li tingħata spinta lill-awtonomija tan-nisa li qed jaħdmu, id-dħul fis-suq tax-xogħol irid ikun akkumpanjat minn programmi speċifiċi għat-tisħiħ tal-kompetenzi finanzjarji.

7.7   Fl-aħħar nett, il-miżuri għat-titjib tal-kultura finanzjarja tal-konsumaturi għandhom jagħtu preċedenza lill-gruppi l-iżjed vulnerabbli tas-soċjetà u li huma mhedda b’esklużjoni soċjali jew huma fil-periklu li jbatu minħabba ċerti operazzjonijiet spekulattivi abużivi.

7.8   Il-KESE jenfasizza li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom, fost l-oħrajn, jiffaċilitaw l-aċċess tal-foqra għas-servizzi bankarji, bil-għan li ma jintlaqtux minn esklużjoni finanzjarja. Għalhekk, il-programmi għall-għoti tal-mikrokrediti (15) għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fl-offerti ta’ kreditu li jsiru mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-persuni qiegħda, iż-żgħażgħ li temmew l-istudji tagħhom u għandhom bżonn self, l-intraprendituri, l-immigranti, il-persuni b’diżabbiltà, eċċ., (16) lkoll jagħmlu parti mill-kategorija ta’ persuni li jistgħu jgawdu mill-mikrokreditu u huwa importanti li jiġu garantiti aċċess għalih.

7.9   Ċerti programmi li jiffukaw kemm fuq il-mikrofinanzjament kif ukoll fuq l-edukazzjoni kellhom riżultati eċċellenti, fid-dawl tal-fatt li l-edukazzjoni ġġib magħha vantaġġi kompetittivi, meta mqabbla ma’ inizjattivi oħra li jiffukaw biss fuq il-mikrofinanzjament.

8.   Il-prospetti tal-edukazzjoni finanzjarja

8.1   Il-KESE huwa kompletament konxju mill-fatt li l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma limitati (17), iżda huwa tal-fehma li l-edukazzjoni finanzjarja hija iżjed minn sempliċement edukazzjoni per se, peress li tfisser ukoll ir-responsabilizzazzjoni tal-persuni, tittratta l-problema tal-esklużjoni soċjali u tippromovi konsum responsabbli.

8.2   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra b’mod serju t-tfassil ta’ miżuri leġislattivi li jobbligaw lill-Istati Membri jippromovu l-edukazzjoni finanzjarja b’mod attiv.

8.3   Rigward il-ġejjieni, jeżisti kunsens wiesa’ fost il-korpi u l-istituzzjonijiet – li probabbilment, l-iżjed rilevanti mil-lat tal-edukazzjoni finanzjarja huma n-Newtwerk Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (INFE) tal-OECD u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (GEEF) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea – dwar il-kontenut u l-metodi li huma l-iżjed adatti għall-edukazzjoni finanzjarja. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir dawn il-proposti u għalhekk jitlob lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu l-miżuri adatti biex jippromovu l-inizjattivi li ġejjin:

L-implimentazzjoni ta’ metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tal-livell ta’ familjaretà taċ-ċittadini ma’ kwistjonijiet finanzjarji u l-livell ta’ inklużjoni tagħhom.

Livell ogħla ta’ edukazzjoni finanzjarja fil-kurrikulu tal-iskejjel. L-implimentazzjoni ta’ metodoloġija internazzjonali bil-għan li tivvaluta l-effiċjenza ul-effikaċja tal-programmi fl-iskejjel.

Il-ħolqien ta’ strateġiji nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, inklużi sistemi adegwati ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-impatt.

It-tisħiħ tal-istrateġiji ta’ inklużjoni finanzjarja. It-tisħiħ tal-ħidma mmirata lejn grupp speċifiċi (żgħażagħ, nisa, migranti, persuni bi dħul baxx).

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-gvernijiet nazzjonali biex isir l-aħjar użu possibbli mis-sinerġiji potenzjali u jiġi evitat ix-xogħol doppju.

L-organizzazzjoni ta’ jum Ewropew tal-edukazzjoni finanzjarja, pereżempju, taħt il-patroċinju tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Unjoni Ewropea f’idejh dak iż-żmien.

Il-promozzjoni ta’ konferenza annwali favur l-edukazzjoni finanzjarja, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti rikonoxxuti.

Il-ħolqien ta’ sistema fil-livell Ewropew li tippremja l-aħjar inizjattivi dwar l-edukazzjoni finanzjarja u l-aħjar prattiki u tiżgura li dawn jirċievu rikonoxximent pubbliku (eż. premju).

Il-promozzjoni ta’ “liċenzja finanzjarja”.

L-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri dwar il-programmi li jkunu għaddejjin fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja u l-inklużjoni ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet fl-aġenda politika nazzjonali (dawn il-laqgħat mhux biss għandhom jixħtu dawl fuq l-azzjonijiet li jsiru iżda wkoll janalizzaw l-impatt tagħhom).

8.4   Il-KESE jixtieq iżid il-proposti li ġejjin, li jlaqqgħu flimkien inizjattivi favur it-titjib tal-kompetenzi finanzjarji taċ-ċittadini u miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi individwali tal-prodotti finanzjarji:

Il-ħolqien ta’ korp indipendenti bil-għan li l-konsumaturi jingħataw pariri bla ħlas dwar il-prodotti finanzjarji, u jingħataw il-mezzi biex jintegraw il-kriterji tal-ESG fid-deċiżjonijiet finanzjarji tagħhom: dan il-korp jista’ jagħti pariri kemm wiċċ imb’wiċċ kif ukoll permezz ta’ telefonati.

Ir-regolazzjoni tar-rwol tal-intermedjarji finanzjarji u l-uffiċjali pubbliċi fl-edukazzjoni finanzjarja, biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni finanzjarja u jiġi żgurat li tkun iżjed faċli li tinftiehem (18). Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex jiggarantixxu l-imparzjalità tal-azzjonijiet tagħhom.

Il-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumaturi individwali tal-prodotti finanzjarji, bil-għan li tissorvelja l-prattiki bankarji (b’mod partikolari fil-qasam tal-aċċessibbiltà, it-trasparenza u l-paragunabbiltà tal-prodotti finanzjarji) u tiġġieled kontra l-frodi. Din l-aġenzija għandu jkollha s-setgħa timponi sanzjonijiet.

L-obbligu l is-settur finanzjarju jipprovdi materjal li jinforma lill-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-passi li jridu jieħdu jekk ma jaqblux ma’ proposta jew deċiżjoni meħuda mill-istituzzjoni finanzjarja.

L-inklużjoni ta’ twissijiet fl-informazzjoni pprovduta mal-prodotti finanzjarji (bl-istess mod li jsir fil-każ tal-prodotti mediċinali) dwar kwalunkwe effett sekondarju jew potenzjalment ħażin ta’ kull prodott, flimkien mal-punti ewlenin tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

Il-ħolqien ta’ GEEF f’kull Stat Membru li jkollu strateġija ta’ edukazzjoni finanzjarja biex issaħħaħ il-pjani proposti, u għandu jinvolvi firxa bilanċjata tar-rappreżentanti prinċipali tas-soċjetà ċivili organizzata.

Appoġġ mll-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta’ strateġija koerenti dwar l-edukazzjoni finanzjarja (għall-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan). L-Istati Membri li l-iżjed li mxew ’il quddiem f’dan il-qasam għandhom iservu ta’ punt ta’ referenza.

Il-previżjoni ta’ pjan baġitarju għal kull strateġija nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja, li jippreċiża min ser jiffinanzja l-programmi ta’ edukazzjoni finanzjarja u b’liema riżorsi.

Żieda fl-isponsorjar tal-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki identifikati.

Il-promozzjoni tal-użu mifrux tal-kontijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali, b’mod li l-ħaddiema kollha jkunu infurmati, darba fis-sena, dwar il-pensjonijiet li jkunu eliġibbli għalihom meta jirtiraw.

Il-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ (mill-età ta’ 14-il sena ’l fuq, jiġifieri qabel ma jitilqu l-iskola u jibdew il-ħajja tax-xogħol) Dawn għandhom jirċievu informazzjoni regolari dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti u kif jaħdmu.

Is-sensibilizzazzjoni tal-industrija tal-ġugarelli biex tiżviluppa ġugarelli edukattivi li jinvolvu kunċetti finanzjarji.

Ix-xandir ta’ programmi televiżivi u tar-radju qosra (bejn 10 u 15-il minuta) dwar kwistjonijiet finanzjarji bażiċi (self, ipoteki, assigurazzjoni, eċċ u kunċetti bażiċi bħall-profittabbikltà u r-riskju), it-tnedija ta’ inizjattivi multimedjali u l-promozzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja permezz tan-netwerks soċjali.

Użu aħjar tal-għaqdiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet indipendenti oħra fi ħdan is-soċjetà ċivili organizzata bil-għan li jixterrdu u jiġu implimentati l-inizjattivi tal-gvern fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja.

8.5   Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-bżonnijiet tal-konsumaturi tal-prodotti finanzjarji għandhom ikunu fil-quċċata tal-aġenda tal-laqgħat internazzjonali ta’ livell għoli, b’mod partikolari s-Summits tal-G-20. Consumers International (19) titlob li jitwaqqaf grupp ta’ esperti dwar il-protezzjoni finanzjarja tal-konsumatur li jressaq rapport quddiem il-G-20, bil-għan li jiġi garantit aċċess għal servizzi finanzjarji stabbli, ġusti u kompetittivi.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli”, ĠU C 21, 21.1.2011, p.33.

(2)  Dwar dan is-suġġett, ara l-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri”, COM(2010) 365 finali.

(3)  F’Lulju 2005. Ta’ min isemmi wkoll il-proġett tal-OECD li sar fl-2009 dwar l-edukazzjoni finanzjarja.

(4)  Fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Edukazzjoni Finanzjarja” (COM(2007) finali), il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat tmien prinċipji bażiċi għall-għoti ta’ skemi ta’ edukazzjoni finanzjarja ta’ kwalità għolja.

(5)  Fil-konklużjonijiet tiegħu ta’ Mejju 2008.

(6)  F’dan ir-rigward, l-iżjed fattur rilevanti huwa ż-żieda fl-għomor: jeħtieġ li l-persuni mdaħħla fl-età jiffamiljarizzaw ruħhom mal-istrumenti finanzjarji l-ġodda.

(7)  Stabbilit fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji, imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar tad-disgħinijiet.

(8)  Fl-2012, ir-rapport Pisa ser jivvaluta għall-ewwel darba l-litteriżmu finanzjarju tal-istudenti ta’ 15-il sena f’19-il pajjiż differenti.

(9)  F’dawn l-aħħar snin, kibret id-domanda għal prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli, li japplikaw prinċipji ta’ responsabbiltà soċjali fl-għażla tal-investimenti.

(10)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1–44.

(11)  COM(2011) 206 finali.

(12)  Kummissjoni Ewropea “Data collection for prices of current accounts provided to consumers”, Brussell, 2009.

(13)  Ara: Braunstein & Welch, 2002, Mandell, 2008, FINRA Investor Education Foundation, 2009.

(14)  Skont José Gómez Yubero fl-artiklu tiegħu “Financial education: from information to knowledge and informed financial decision-making”.

(15)  L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għażlet is-sena 2005 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Mikrokreditu.

(16)  Bħalma jiġri fi Franza, fejn il-mikrokreditu mhux biss jappoġġja l-intraprenditorjat iżda jrid ikun ukoll għodda li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ persuni oħra bi dħul baxx.

(17)  Skont l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri huma responsabbli għat-tfassil ta’ liġijiet fil-qasam tal-edukazzjoni.

(18)  Mingħajr preġudizzju għar-rwol edukattiv proprju tas-sistema edukattiva.

(19)  Organizzazzjoni li tirrappreżenta 220 għaqda tal-konsumatur f’115-il pajjiż.


APPENDIĊI I

Kontenut tal-edukazzjoni finanzjarja  (1)

Prodotti

Suġġetti u gruppi mmirati

Mezzi

Tfaddil u obbligazzjonijiet (liabilities)

(kontijiet tat-tfaddil, pay slips)

Investimenti u assi

(kreditu lill-konsumatur u ipoteki)

Mezzi ta’ ħlas

(karti tad-debitu u kreditu)

Prodotti finanzjarji oħra

(assigurazzjoni, pensjoni)

Servizzi

(trasferimenti, pariri, miżati)

Tagħlim dwar kif wieħed ifaddal (tfal u żgħażagħ)

L-ewwel xogħol (żgħażagħ)

Il-bidu ta’ ħajja indipendenti (żgħażagħ)

Il-bidu ta’ familja (adulti)

Tħejjija għall-irtirar (persuni mdaħħla fl-età)

Ġestjoni finanzjarja ta’ mikrointrapriża (intraprendituri)

Skejjel

Postijiet tax-xogħol

Djar għall-persuni rtirati

Assoċjazzjonijiet professjonali u trejdjunjonistiċi

Għaqdiet tal-konsumatur u NGOs

Mezzi tax-xandir

Internet


(1)  Din it-tabella hija biss eżempju – mhijiex eżawrjenti u mhijiex limitata għall-elementi li jidhru fit-tabella biss.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-settur tal-mużika” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/05

Relatur: is-Sur GKOFAS

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-settur tal-mużika

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, 51 vot kontra u 42 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-aspetti tal-problema

1.1.1   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet relatati tal-artisti fil-qasam tal-mużika u l-protezzjoni tagħhom, peress li jikkonċernaw prodotti mhux materjali li qed jiġu kummerċjalizzati u distribwiti dejjem aktar f’format diġitali, huma kwistjoni li taffettwa b’mod dirett is-soċjetà ċivili.

1.1.2   Din l-opinjoni ser tittratta ħames punti ewlenin. L-ewwel ser tiddetermina u tiddistingwi, fil-qasam mużikali, il-prerogattivi tad-detenturi tad-drittijiet u tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw min-negozju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet relatati. It-tieni punt ser jittratta r-rimunerazzjoni u, b’mod aktar speċifiku, l-iffissar tar-rimunerazzjoni, li għaliha huma intitolati l-awturi għall-użu li terzi persuni (konsumaturi) jagħmlu kemm mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll mid-drittijiet relatati. It-tielet punt jittratta l-mod kif għandha tiġi stabbilita din ir-rimunerazzjoni, u kif għandha tiġi definita t-tifsira li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “prestazzjoni pubblika” jew f’liema punt wieħed ikun jista’ jitkellem dwar “prestazzjoni pubblika”. Ir-raba’ punt jikkonċerna s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq l-utenti li jagħmlu użu illegali minn dan id-dritt. Il-ħames u l-aħħar punt jittratta l-mod kif l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva (OĠK) jew is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva (SĠK) f’ċerti Stati Membri huma strutturati u kif jaħdmu biex jiżguraw ir-rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

1.1.3   Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali u minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet interni tal-Istati Membri differenti, hemm riskju li ma jinstabx il-bilanċ meħtieġ bejn l-aċċess taċ-ċittadini għall-kontenut kulturali u ta’ rikreazzjoni, il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

1.1.4   Il-punt tat-tluq għat-tfassil ta’ regolament li jkun kapaċi jarmonizza l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri għandu jikkonsisti fil-votazzjoni u l-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċerti “prinċipji fundamentali” bażiċi dwar is-suġġett inkwistjoni b’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti, speċjalment il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, mingħajr ma jiġu ddubitati d-drittijiet tal-utenti u filwaqt li jitqiesu l-proposti tal-KESE.

1.1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu armonizzati f’dawk il-punti li huma problematiċi fil-ħajja kollettiva taċ-ċittadini u li għandhom effett dirett fuqha, sabiex jiġi evitat li d-drittijiet taċ-ċittadini miksuba u sanzjonati b’mod kostituzzjonali jisfaw mhedda mill-interpretazzjonijiet tal-liġi li kultant ikunu litterali, iffukati fuq il-kliem, u kultant żbaljati u parzjali, għad-dannu tal-utenti. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tittratta l-punti kontroversjali relatati mal-interpretazzjonijiet legali tat-termini użati mid-diversi leġislaturi u l-Kumitat iqis li huwa d-dover tagħha li tpoġġihom fuq il-mejda tan-negozjati, sabiex jinkiseb riżultat ġust. Il-protezzjoni tal-awturi u tal-artisti m’għandhiex issir ostaklu għall-moviment liberu tax-xogħlijiet; għandha tiżgura wkoll, permezz tal-emendi għad-dispożizzjonijiet rilevanti, li l-konsumaturi jkollhom aċċess ħieles għall-kontenut elettroniku u għall-użu tiegħu, sabiex jiġu konservati l-istess drittijiet għal użu onlajn u mhux onlajn, filwaqt li tiġi rispettata l-proprjetà intellettwali.

1.1.6   Il-Kumitat jipproponi li a) għall-ħruġ tal-permessi ta’ rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, b) għall-istabbiliment ta’ ftehimiet dwar l-użu tad-drittijiet tal-awturi u c) sabiex ikun hemm provvediment għall-għoti ta’ arbitraġġ fil-każ ta’ tilwim jew nuqqas ta’ ftehim, jeħtieġ li tiġi stabbilita leġislazzjoni regolatorja unika li tkun tista’ tgħin kemm lill-utenti tal-kontenut u lill-konsumaturi kif ukoll lil dawk li jagħmlu kreazzjonijiet intellettwali, u detenturi oħra tad-drittijiet, sabiex isolvu l-kunflitti li jkollhom fir-rigward ta’ sfruttament ta’ xogħlijiet. Għal dan il-għan, jeħtieġ li fil-livell nazzjonali jiġi stabbilit korp uniku ta’ medjazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti tal-kontenut.

1.1.7   Il-Kumitat iħoss li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq permezz tal-ħolqien ta’ entità nazzjonali unika indipendenti li, minbarra l-kompiti msemmija hawn fuq, tkun tista’ tassumi wkoll ir-responsabbiltà li tiggarantixxi t-trasparenza fir-rigward tat-tqassim b’mod integrali tal-ħlas miġbur mill-OĠK lid-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li, f’każ li dan il-mekkaniżmu ma jaħdimx, il-liġi Ewropea tistabbilixxi salvagwardji u li l-unika flessibbiltà mħollija lill-Istati Membri tkun dik li jirregolaw il-ħolqien, l-istruttura u l-funzjonament ta’ din l-entità. Din l-entità tkun tista’ tieħu ħsieb: a) tiżgura li l-leġislazzjoni attwali, Komunitarja jew nazzjonali, tiġi applikata b’mod strett sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi hawn fuq, b) tistabbilixxi trasparenza totali fil-ġbir u l-ħlas tar-rimunerazzjonijiet dovuti meta jintużaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u c) tiġġieled kontra l-frodi fiskali b’relazzjoni mal-ħlas tat-taxxi dovuti lill-Istat għall-użu ta’ xogħlijiet koperti minn dawn id-drittijiet.

1.1.8   Sabiex titrawwem il-fiduċja tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti u jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali, il-governanza u t-trasparenza tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet għandhom bżonn jittejbu u jiġu adattati għall-progress tekniku. Soluzzjonijiet aktar sempliċi, uniformi u newtrali fir-rigward tat-teknoloġija għall-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej fis-settur awdjoviżiv għandhom jistimolaw il-kreattività u jgħinu lill-awturi, il-produtturi u dawk li jxerrdu l-kontenut, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej.

1.2   L-effettività tal-ġestjoni tad-drittijiet diġitali (ĠDD)

1.2.1   Barra minn hekk, il-Kumitat jappoġġja l-promozzjoni u t-titjib tas-servizzi legali – bħalma hu Deezer, l-ewwel sit elettroniku li jippermetti aċċess b’xejn u legali għall-mużika, jew Spotify, li jippermetti l-istreaming legali ta’ mużika permezz tal-internet u huwa ffinanzjat mir-riklamar, – u jemmen li dan il-mezz għandu jitħalla jkompli jiżviluppa flimkien mal-proċess leġislattiv.

1.2.2   Il-kampanji edukattivi u ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, għandhom jiġu inklużi fost il-miżuri li jridu jittieħdu.

1.2.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-prinċipji inklużi fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar il-ġestjoni kollettiva transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fil-qasam tas-servizzi legali tal-mużika onlajn.

1.2.4   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tapprova mill-aktar fis possibbli l-proposta għal direttiva qafas dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet prevista fl-Aġenda Diġitali.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-awturi u l-artisti jagħmlu d-dħul tagħhom mill-użu tax-xogħlijiet artistiċi tagħhom madwar id-dinja. Is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva, li joperaw fis-setturi artistiċi kollha, jiġbru d-dħul mill-użu ta’ xogħlijiet madwar id-dinja f’isem l-awturi.

2.2   Id-daqs u s-setgħa ta’ dawn is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor: uħud minn dawn għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat, oħrajn huma tant b’saħħithom li f’ċerti każijiet ikunu jistgħu jsiru monopolju ġenwin għall-esplojtazzjoni. Is-servizzi li joffru għall-artisti jistgħu jvarjaw ukoll skont dawn il-parametri.

2.3   Wieħed jista’ faċilment jistaqsi, hekk kif diġà għamlet il-Kummissjoni Ewropea, jekk fil-kumplessità tagħha s-sistema attwali hijiex effiċjenti biżżejjed u jekk din tissalvagwardjax l-interessi kemm tad-detenturi, kif ukoll tal-utenti tal-kontenut, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi finali.

2.4   Jista’ jkun utli li nħarsu lejn is-sitwazzjoni lil hinn minn “sempliċi” armonizzazzjoni teknika tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati? Kif tista’ tittejjeb il-ġestjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-awtur u jingħelbu l-problemi li jinħolqu mill-frammentazzjoni attwali tal-imposti għall-kopji privati tax-xogħlijiet, pereżempju? Kif jistgħu l-isforzi għal “regolamentazzjoni aħjar” jiġu rikonċiljati mal-ġestjoni transkonfinali effettiva tad-drittijiet kollettivi? Hemm bżonn ta’ leġislazzjoni f’dawn l-oqsma.

2.5   Il-kumplessità tas-sitwazzjoni u n-natura sensittiva tagħha għas-soċjetà ċivili wasslu biex il-Kumitat jindirizza din il-kwistjoni u jeżaminaha mill-angoli kollha possibbli.

2.6   Fil-fatt, l-injoranza, jekk mhux l-indifferenza jew anki l-ostilità, tal-pubbliku fir-rigward tal-kunċett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jagħmluha neċessarja li jkun hemm reazzjoni mis-soċjetà ċivili.

2.7   Is-sistema fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (drittijiet mhux morali) u ta’ ċerti drittijiet relatati tal-artisti fil-qasam tal-mużika u tal-produtturi hija regolata minn sensiela ta’ direttivi – pereżempju d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2006/115/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006, Nru 2006/116/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 u Nru 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001, li kellhom l-għan ewlieni li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-ideat, f’kuntest ta’ kompetizzjoni f’saħħitha, iżda wkoll li joħolqu bilanċ u li jiġġieldu l-piraterija. L-armonizzazzjoni kollha tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati magħhom hija bbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, billi dawn id-drittijiet huma essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali. Din il-protezzjoni tikkontribwixxi biex tiġi ppreservata u żviluppata l-kreattività fl-interess tal-awturi, l-artisti, il-produtturi, il-konsumaturi, l-utenti tal-kontenut, u b’mod ġenerali l-kultura, l-industrija u l-pubbliku. Għaldaqstant, il-proprjetà intellettwali ġiet rikonoxxuta bħala parti integrali mid-dritt tal-proprjetà u hija mħarsa mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex l-isforz kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti jirrikjedi dħul suffiċjenti li jservi ta’ bażi għal xogħlijiet kreattivi u artistiċi ġodda u hija biss protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet li tippermetti li dan id-dħul jiġi ggarantit b’mod effikaċi.

2.8   F’ċerti pajjiżi, jeżistu liġijiet repressivi ħafna kontra kull tip ta’ kkupjar u ta’ skambju ta’ fajls protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, indipendentement mill-użu privat u limitat jew kummerċjali li jsir minn dawn l-iskambji (1).

2.9   Il-konsumaturi Ewropej, li l-organizzazzjonijiet tagħhom ikkundannaw l-esklużjoni tagħhom min-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet bħala prattika mhux trasparenti u mhux demokratika, wissew li mhux possibbli li, bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-piraterija, jiġi stabbilit kontroll tal-pulizija għall-iskambji u l-komunikazzjoni kollha bl-internet, għad-detriment tad-dritt tal-privatezza fil-korrispondenza u l-informazzjoni li jiċċirkolaw. Il-Kumitat jixtieq li hu wkoll ikun infurmat dwar id-diskussjonijiet u l-proposti mressqa bħalissa, u li jkun jista’ jesprimi ruħu dwarhom.

3.   Kummenti partikolari

3.1   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali: preċiżjonijiet u distinzjonijiet

3.1.1   Huwa tal-ogħla importanza li ssir distinzjoni bejn il-kunċett tad-drittijiet tal-awtur u dak tad-drittijiet relatati u li jinfiehmu sewwa. Iż-żewġ kunċetti jiffurmaw parti minn dak li jista’ jiġi definit u msejjaħ bħala “proprjetà intellettwali”. Il-kunċett tal-proprjetà intellettwali ġie stabbilit internazzjonalment premezz tal-Konvenzjoni tal-14 ta’ Lulju 1967, li fiha ġiet stabbilita l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, u wara ġie rikonoxxut mil-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari mid-Direttiva 2006/115/KE. Għalhekk dan huwa kunċett konsolidat fl-acquis Komunitarju.

3.1.2   Il-Kumitat iqis li jekk l-awturi jew l-artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, dawn għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu ta’ xogħolhom, kif għandhom jirċievu wkoll il-produtturi, sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films jew prodotti u servizzi ta’ multimedia, bħas-servizzi fuq talba, huwa konsiderevoli. Hemm bżonn kbir ta’ protezzjoni adegwata tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

3.1.3   Il-Kumitat jitlob l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet relatati. Għal din l-armonizzazzjoni għandhom jitqiesu d-diversi rapporti dwar l-applikazzjoni tad-direttivi u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett.

3.1.4   Il-KESE huwa sodisfatt bl-adozzjoni tal-prosposta għal direttiva reċenti dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (COM(2011) 289 finali), li dwarha ser jesprimi ruħu f’opinjoni aktar ’il quddiem.

3.2   Ir-rimunerazzjoni

3.2.1   Ir-rimunerazzjoni tal-awturi li jibbenefikaw minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-mużika (bħala assi) x’aktarx huwa punt li fih il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari b’relazzjoni mat-tranżazzjonijiet bejn is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u l-utenti, li l-biċċa l-kbira minnhom ġew solvuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.2.2   Il-Kumitat huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi rrakkomandat l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi iżda wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex jiġu garantiti kemm il-proprjetà intellettwali tal-awturi u detenturi oħra kif ukoll id-drittijiet tal-utenti tal-kontenut u tal-konsumaturi finali. Illum il-ġurnata, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa huma protetti permezz tat-“Trattati tal-Internet” tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) li ġew irratifikati f’Diċembru 2009 mill-UE u l-Istati Membri. Fil-prinċipju, dan jgħaqqad l-liġi applikabbli, għalkemm id-diversi stqarrijiet nazzjonali fl-okkażjoni tar-ratifika jpoġġu f’dubju approċċ unifikat fil-livell Komunitarju. Dawn it-Trattati jitolbu l-ġlieda kontra l-prodotti kkupjati u ffalsifikati bi skopijiet kummerċjali, kif tagħmel ukoll id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

3.3   Id-definizzjoni tar-rimunerizzazzjoni u l-prestazzjoni pubblika

3.3.1   Il-punti li għandhom jingħataw attenzjoni aktar partikolari jikkonċernaw meta wieħed jista’ jqis li rimunerazzjoni hija dovuta għall-użu tal-mużika, li prestazzjoni hija pubblika u li hemm sfruttament u mhux użu.

3.3.2   Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-isfruttament kummerċjali u l-użu privat, fir-rigward tal-għan ta’ dan l-użu, iżda wkoll is-sanzjonijiet marbuta miegħu. Fil-prattika, it-tariffi tal-korpi tal-ġestjoni kollettiva, stabbiliti bi qbil mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, diġà jqisu l-użi differenti li l-istabbilimenti pubbliċi jagħmlu mill-mużika, u b’hekk l-istabbilimenti fejn il-mużika taqdi rwol essenzjali, bħad-diskoteki, ma jħallsux l-istess ammonti bħal dawk fejn il-mużika taqdi rwol aċċessorju jew inċidentali, bħall-ħwienet tal-parrukkiera jew il-ħwienet il-kbar.

3.3.3   Fil-fehma tal-Kumitat, ir-rimunerazzjoni tal-hekk imsejjaħ “użu sekondarju”, imsemmi fil-Konvenzjoni ta’ Berna, hija ġustifikata bis-sħiħ, għaliex is-sidien tal-istabbilimenti li jxerrdu l-kontenut, tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju, huma utenti sekondarji tax-xogħlijiet li jkunu fil-programmi primarji li minnhom dawn ix-xogħlijiet jew prestazzjonijiet jiġu “komunikati pubblikament” fil-postijiet imsemmija.

3.3.4   Tinħtieġ riforma tas-sistema attwali ta’ rimunerazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għar-riproduzzjoni għall-użu privat sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-kalkolu tar-“rimunerazzjoni ekwa”, il-ġbir u t-tqassim tad-drittijiet dovuti għall-użu ta’ proprjetà intellettwali (royalties). Ir-rimunerazzjonijiet għandhom jirriflettu, u jkunu bbażati fuq, id-dannu finanzjarju reali li d-detenturi tad-drittijiet tal-awturi ibatu minħabba kopji privati.

3.3.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex jiġi ffaċiltat il-ħruġ ta’ liċenzji transkonfinali, għandha tiġi ppreservata l-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet. Dawn m’għandhomx ikunu obbligati joħorġu liċenzji għat-territorju Ewropew kollu, u lanqas li jistabbilixxu permezz ta’ kuntratt il-livell tad-dħul mil-liċenzji.

3.3.6   Il-KESE jippromovi mudelli ta’ negozjar aktar innovattivi, li bis-saħħa tagħhom ikun hemm aċċess għall-kontenut b’modi differenti (b’xejn, b’tariffi premium, b’tariffi freepremium) skont il-vijabbiltà tal-offerti u tal-aspettattivi u l-attitudnijiet tal-utenti finali, filwaqt li jinsab bilanċ ġust bejn ir-rimunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-konsumaturi u tal-pubbliku inġenerali għall-kontenut.

3.4   Sanzjonijiet u penalitajiet

3.4.1   Il-Kumitat jinsab konvint li l-protezzjoni tax-xogħlijiet intellettwali hija ta’ importanza kapitali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi l-ġodda fl-ekonomija u t-teknoloġija, biex jiġi garantit l-isforz kreattiv u artistiku tal-awturi u tal-artisti. Għalhekk ġiet stabbilita sistema ta’ sanzjonijiet li huma effettivi, dissważivi u proporzjonati, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.4.2   Il-Kumitat jemmen li l-użu ta’ għadd ta’ xogħlijiet intellettwali, li huwa permess biss bħala eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tal-benefiċjarji, b’limitazzjonijiet għall-utenti, għandu jitqies bħala dritt pożittiv u ġenerali taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-użu mhumiex ċari jew legalment definiti tajjeb, u l-konsumaturi qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-leġislazzjoni fis-seħħ meta jiġu biex jistabbilixxu l-użu permess.

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali mil-liġi kriminali hija garanzija essenzjali fid-difiża u l-assigurazzjoni tal-ordni soċjali, kulturali, ekonomiku u politiku tal-pajjiżi avvanzati.

Il-KESE ma jaqbilx mal-użu tal-mezzi pprovduti mil-liġi kriminali kontra l-utenti li m’għandhomx skop ta’ qligħ.

3.4.3   L-Istitut Universitarju tal-Liġi dwar l-Informazzjoni tal-Università ta’ Amsterdam wettaq studju għad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll dwar l-effetti ta’ din id-Direttiva fuq l-Istati Membri (2). Il-kapitoli tat-tieni parti, li jittrattaw l-applikazzjoni tat-test fl-Istati Membri l-oħra tal-UE, juru li mis-26 Stat Membru eżaminati sitta biss jimponu pieni ta’ detenzjoni f’dan ir-rigward.

3.4.4   Il-Kumitat jitlob u jipproponi li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 4, li jkun isemmi li fir-rigward tal-protezzjoni legali kontra l-ksur tad-drittijiet u l-obbligi msemmija fid-Direttiva kkonċernata, l-użu min-naħa tal-utenti u l-konsumaturi ta’ kontenut, li oriġinarjament dawk li jieħdu ħsieb id-distribuzzjoni pubblika tiegħu ma jkunux issodisfaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, m’għandux jitqies bħala att kriminali. Fil-każ ta’ disponibbiltà pubblika, dan għandu jkun soġġett għar-responsabbiltà ċivili u għas-sanzjonijiet marbutin magħha (kumpens li jkun isarraf daqs ir-rimunerazzjoni dovuta lill-awturi u lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ ċerti drittijiet relatati). Is-sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom japplikaw biss f’każijiet li huma definiti b’mod ċar ta’ ksur tal-liġijiet kummerċjali min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ kriminalità organizzata u l-użu kummerċjali illegali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi.

3.5   Struttura u funzjoni tal-OĠK (organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva)

3.5.1   Ta’ min isemmi li d-direttivi eżistenti huma kkaratterizzati min-nuqqas totali ta’ protezzjoni tal-utenti konsumaturi, li xortihom tiddependi mid-dispożizzjonijiet meħuda mis-SĠK li joperaw mingħajr kontroll ġenwin. Il-Kumitat jitlob li l-leġislazzjoni tirrikonoxxi, tipproteġi u tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini konsumaturi kif ukoll li jkun hemm ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi fir-rigward tal-protezzjoni tal-utenti u l-konsumaturi b’relazzjoni mal-awturi u d-detenturi tad-drittijiet relatati, b’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali, speċjalment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18.05.2005.

3.5.2   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 5, li jkun isemmi li s-SĠK li jkunu ngħataw liċenzja biex jiġbru r-royalties u jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu, bħala organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva, jieħdu l-forma ta’ kumpaniji ta’ natura kummerċjali iżda għandhom ikunu korpi mingħajr skop ta’ qligħ bi struttura assoċjattiva u jkunu magħmulin mid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ ċerti drittijiet relatati.

3.5.3   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 6, li jkun isemmi li s-soċjetajiet jew l-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni kollettiva (SĠK jew OĠK) għandhom ikunu ssorveljati minn xi korp indipendenti fil-livell nazzjonali (korp nazzjonali uniku ta’ ġestjoni). Dan jista’ jkun il-korp li jkun ħarġilhom il-permess li jiġbru r-royalties tal-artisti. Fi kliem ieħor, il-korp li joħroġ il-liċenzji jista’ jkun ukoll dak li jwettaq il-kontroll tas-sorveljanza.

3.5.4   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 7, li jkun isemmi li l-awturi jew artisti li huma intitolati għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jċedu dawn id-drittijiet tagħhom u jittrasferixxu d-dritt tagħhom għal self jew kiri lil numru ta’ OĠK (SĠK) eżistenti jew li jkunu għadhom kif twaqqfu. Peress li f’dan il-każ ikun hemm OĠK (SĠK) differenti, ir-risjku jkun li: a) ir-rimunerazzjonijiet tal-artisti jinġabru aktar minn darba, minn għadd ta’ OĠK (SĠK), u dan iġib miegħu periklu ieħor, b) li l-utent jispiċċa jiffirma kuntratti u jikkollabora ma’ numru kbir ta’ OĠK (SĠK) minflok ma’ waħda biss, u c) li tingħata rimunerazzjoni doppja għall-użu tal-istess biċċa xogħol. Il-korp li joħroġ il-permessi lill-OĠK (SĠK) għandu jkollu wkoll il-kompetenza u r-responsabbiltà li jara li r-rimunerazzjonijiet li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jkunu ġabru mill-utenti jitqassmu bejn l-awturi u d-detenturi ta’ drittijiet relatati. Qed jiġi propost li tiġi installata teknoloġija tas-softwer fil-postijiet ikkonċernati fejn jintwerew ix-xogħlijiet, sabiex ikun possibbli li jinżammu d-dettalji tal-fonogrammi (l-awtur, l-artist, it-tul, eċċ.) waqt il-prestazzjoni, b’mod li l-utent ikun jista’ jħallas għall-użu tad-drittijiet tal-awtur għax-xogħol ikkonċernat u li l-ħlas ikun jista’ jsir b’mod proporzjonat. Il-korp hawn fuq imsemmi għandu jassumi wkoll ir-responsabbiltà li jiżgura li ma jsirx aktar minn pagament wieħed għar-rimunerazzjoni ta’ biċċa xogħol inġenerali. Dawk l-Istati Membri li m’għandhomx korp li joħroġ il-liċenzji għall-OĠK (SĠK) għandhom jaħsbu sabiex joħolqu wieħed skont il-leġislazzjoni nazzjonali.

3.5.5   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 8, li jkun isemmi li l-OĠK li jirrappreżentaw lill-artisti għandhom ifasslu baġit u rapport finanzjarju nominattiv dwar il-ġestjoni u t-tqassim tar-rimunerazzjonijiet li jkunu ġabru f’isem id-detenturi tad-drittijiet u jipprovdu kull element ieħor li jkun kapaċi jistabbilixxi li d-“dħul” ikkonċernat ikun reġa’ tqassam lil dawn tal-aħħar u li dan id-dħul ikun ġie ddikkjarat u ntaxxat mis-servizzi finanzjarji tal-Istati Membri. Il-kontabilità tal-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tad-drittijiet u t-tqassim effettiv tad-drittijiet miġbura bejn id-diversi detenturi tad-drittijiet iridu jiġu ċċertifikati minn awditur indipendenti, u r-rapport tiegħu jrid jiġi ppubblikat; barra minn hekk, dawn iridu jiġu kkontrollati perjodikament minn awtorità kompetenti, bħall-Qorti tal-Awdituri jew awtorità pubblika indipendenti.

3.5.6   Il-Kumitat jitlob li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/115/KE jiġi kkompletat biż-żieda ta’ paragrafu numru 9, li jkun isemmi li fil-każ li l-OĠK ma jqassmux ir-rimunerazzjonijiet li jkunu ġabru lid-detenturi tad-drittijiet jew inkella jekk ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi numru 5 u 7 tal-Artikolu kkonċernat, il-korp li joħorġilhom il-liċenzji għandu l-ewwel jirtiralhom il-liċenzja u b’konsegwenza ta’ dan, skont il-gravità tas-sitwazzjoni, jibgħathom quddiem il-qrati nazzjonali.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-pieni huma l-istess, kemm fil-każ ta’ użu privat kif ukoll fil-każ ta’ falsifikazzjoni għal finijiet kummerċjali.

(2)  Dan l-istudju ġie ppubblikat fi Frar 2007.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dawn il-punti tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġew immodifikati biex jirriflettu l-emendi adottati mill-Assemblea, iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 1.1.8

1.1.8

Teżisti trasparenza dubjuża fil-ġestjoni tad-dħul miġbur mis-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva fil-kuntest transkonfinali. Fil-fatt, l-awturi, id-detenturi tad-drittijiet relatati, dawk obbligati li jħallsu d-drittijiet kif ukoll il-konsumaturi mhumiex dejjem konxji minn dak li verament qed jinġabar jew dwar dawk li ser jirċievu d-dħul miġbur permezz tas-sistema ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet.

Votazzjoni:

Favur

:

113

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

23

b)   Punt 3.1.1

3.1.1

Huwa tal-ogħla importanza li ssir distinzjoni bejn il-kunċett tad-drittijiet tal-awtur u dak tad-drittijiet relatati tal-artisti u li jinfiehmu sewwa. Iż-żewġ kunċetti jiffurmaw parti minn dak li jista' jiġi definit u msejjaħ bħala “proprjetà intellettwali”. Komunement jingħad li din tikkonsisti fid-drittijiet tal-awtur, li jikkonċernaw lill-awturi, kompożituri u kittieba tal-lirika ta’ biċċa xogħol, u d-drittijiet relatati, li jikkonċernaw lill-artisti li jinterpretaw dawn ix-xogħlijiet.

Votazzjoni:

Favur

:

116

Kontra

:

55

Astensjonijiet

:

27

c)   Punt 3.1.3

3.1.3

Il-Kumitat jitlob l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet relatati tal-artisti. Dan huwa neċessarju fil-kuntest tal-azzjoni ta’ kommunikazzjoni jew informazzjoni, pereżempju f'każ fejn fonogramma tidħol fl-isfera pubblika. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tad-drittijiet hawn fuq imsemmija, jeħtieġ li l-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri jiġu armonizzati, f'oqsma bħad-definizzjoni tal-kunċett ta’ xi ħaġa fl-isfera pubblika bħala sors ta’ dħul, li tiġġenera d-dħul għall-awturi; l-għan ta’ din il-proċedura huwa li s-suq intern ikun jista' jiffunzjona b'mod armonjuż.

Votazzjoni:

Favur

:

108

Kontra

:

57

Astensjonijiet

:

31

d)   Punt 3.2.1

3.2.1

Ir-rimunerazzjoni tal-awturi li jibbenefikaw minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-mużika (bħala assi) x'aktarx huwa punt li fih il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari b'relazzjoni mat-tranżazzjonijiet bejn is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva u l-utenti.

Votazzjoni:

Favur

:

88

Kontra

:

71

Astensjonijiet

:

34

e)   Punt 3.3.2

3.3.2

Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-isfruttament kummerċjali u l-użu privat, fir-rigward tal-għan ta’ dan l-użu, iżda wkoll is-sanzjonijiet marbuta miegħu. Huwa meqjus bħala “pubbliku” kull użu, prestazzjoni jew komunikazzjoni ta’ biċċa xogħol li jagħmluha aċċessibbli għal ċirku aktar wiesa' miċ-ċirku ristrett tal-familja u l-ambjent soċjali immedjat, kemm jekk il-persuni li jiffurmaw dan iċ-ċirku wiesa' jinsabu fl-istess post jew jinsabu f'postijiet differenti, jew għal udjenza mhux preżenti fil-post tal-preżentazzjoni; din id-definizzjoni għandha tkopri kull trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ biċċa xogħol lill-pubbliku bl-użu ta’ apparat bil-fili jew mingħajrhom, inklużi x-xandiriet televiżivi.

Votazzjoni:

Favur

:

103

Kontra

:

53

Astensjonijiet

:

27

f)   Punt 3.3.3

3.3.3

Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li jingħad b'mod ċar u sempliċi li użu huwa pubbliku meta l-utent juża biċċa xogħol bi skop ta’ qligħ ta’ flus u fil-kuntest ta’ attività kummerċjali li tirrikjedi jew tiġġustifika dan l-użu (ta' biċċa xogħol, ħoss, immaġini jew ħoss u immaġini fl-istess waqt).

Votazzjoni:

Favur

:

103

Kontra

:

58

Astensjonijiet

:

28

g)   Punt 3.3.6

3.3.6

Peress li rimunerazzjoni ekwa trid tkun tinkludi “sui generis” element ta’ proporzjonalità, bħalma ta’ spiss jiġri fil-prattika, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi fejn l-eżekuzzjoni jew l-użu tax-xogħol jikkostitwixxi l-attività prinċipali u d-dħul finanzjarju tal-intrapriża (organizzaturi ta’ kunċerti jew spettakli, ċinema, radju, televixin, eċċ.) u l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra fejn l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ma ssirx bi skop ekonomiku (xufier ta’ taksi li qed jisma' r-radju waqt li qed iwassal klijent, pereżempju) jew għandu rwol sekondarju fir-rigward tal-attività ekonomika prinċipali (mużika ta’ sfond f'lift ta’ ħanut kbir (department store), f'restorant, eċċ.). Ir-rimunerazzjonijiet applikabbli għandhom ikunu divrenzjati, minn rimunerazzjoni b'xejn sa rimunerazzjoni sħiħa skont il-kontribut effettiv tax-xogħlijiet għall-attività ekonomika. Dawn id-distinzjonijiet jiġu applikati b'mod ċar f'numru ta’ pajjiżi, bħal Franza, fejn tiġi applikata tariffa differenti għall-organizzaturi ta’ spettakli u x-xandara tax-xogħlijiet, fuq naħa, u għall-kafetteriji u r-restoranti, b'mod partikolari, fuq in-naħa l-oħra.

Votazzjoni:

Favur

:

106

Kontra

:

62

Astensjonijiet

:

27

h)   Punt 3.3.7

3.3.7

Il-Kumitat jitlob li wara l-paragrafu numru 7 tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/115/KE, li jgħid li f'nuqqas ta’ ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-livell ta’ rimunerazzjoni ekwa, jiżdied paragrafu numru 8, b'dispożizzjonijiet legali biex tiġi stabbilita r-rimunerazzjoni ekwa. F'dan il-paragrafu numru 8, jeħtieg li jissemma li għandha tiġi stabbilita kummissjoni għas-soluzzjoni tat-tilwimiet bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti; iż-żewġ partijiet għandhom jirrikorru għaliha b'mod obbligatorju u n-negozjati tagħha għandhom iwasslu għal ftehim konkluż bejn, minn naħa, l-awturi u l-artisti intitolati għad-drittijiet u, min-naħa l-oħra, l-utenti u l-konsumaturi u li għandu jsemmi l-ammont tar-rimunerazzjoni ekwa għar-royalty kkonċernata kollha kemm hi. Ir-rikors lejn din il-kummissjoni għas-soluzzjoni tat-tilwimiet jimplika li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva jkunu l-ewwel ikkonkludew bil-miktub protokoll ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni tal-awturi u l-artisti intitolati għad-drittijiet li jirrappreżentaw għal xogħlijiet determinati. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, appoġġjat minn dokument li jkollu datazzjoni ċċertifikata, għal kull biċċa xogħol jew fonogramma partikolari u li jsemmi b'mod distint id-detenturi tad-drittijiet, dawn is-soċjetajiet ma jkollhomx id-dritt li jitolbu kwalunkwe ħlas ta’ somma flus f'isem detentur tad-drittijiet li ma jkollux kuntratt magħhom. Kwalunkwe awtorizzazzjoni preżunta, fejn il-fatt li jintalab ġbir ta’ flus jimplika awtorizzazzjoni, mhijiex aċċettabbli. Il-kummissjoni għandha tkun magħmula minn membru li jirrappreżenta l-konsumaturi, ieħor li jirrappreżenta d-dtenturi tad-drittijiet u wkoll minn tnejn oħra li jkunu ġejjin, fil-livell tal-imsieħba soċjali, mill-grupp ta’ min iħaddem u mill-grupp tal-impjegati, jew, fil-livell Ewropew, membru tal-KESE li jirrappreżenta l-gruppi soċjali.

Votazzjoni:

Favur

:

116

Kontra

:

57

Astensjonijiet

:

23

i)   Punt 3.4.1

3.4.1

Il-Kumitat jinsab konvint li l-protezzjoni tax-xogħlijiet intellettwali hija ta’ importanza kapitali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi l-ġodda fl-ekonomija u t-teknoloġija, iżda wkoll li tista' twassal għar-riżultati opposti ta’ dawk mistennija billi xxekkel il-kummerċ b'mod konsiderevoli meta d-drittijiet ikkonċernati jitħaddmu b'mod sproporzjonat, għad-detriment tal-utenti u l-konsumaturi.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

j)   Punt 3.4.2

3.4.2

Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li, minflok li tneħħi l-ostakli għall-iskambji u l-innovazzjonijiet f'dan il-qasam, id-Direttiva fis-seħħ qiegħda toħloq ostakli ġodda. Pereżempju, l-ambigwità tal-kwistjoni tar-rimunerazzjoni ekwa qed tikkomplika, minflok li tissemplifika, it-tħaddim tal-SMEs waqt perjodu ta’ protezzjoni mtawwal, mingħajr is-salvagwardji neċessarji. Dan huwa wkoll il-każ meta l-OĠK ma jġibux ruħhom b'mod razzjonali u trasparenti, meta l-utenti kummerċjali ma jkollhomx għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni u meta d-dannu eventwalment ikkaġunat lid-detenturi tad-drittijiet mill-użu tal-biċċa xogħol ikkonċernata jkun insinifikanti filwaqt li s-sanzjonijiet korrispondenti jkunu ħorox wisq.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

k)   Punt 3.4.3

3.4.3

Il-Kumitat jinsisti li l-paragrafu li jagħti lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu s-sanzjonijiet jiġi sostitwit, peress li s-sanzjonijiet applikati f'ħafna mill-Istati Membri, xi drabi anki ta’ natura kriminali, m'għandhomx sens ta’ proporzjon bħalma suppost ikollhom.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36

l)   Punt 3.4.4

3.4.4

Il-Kumitat huwa partikolarment imħasseb dwar il-fatt li l-leġislazzjoni Komunitarja għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet intellettwali u dawk relatati tal-awturi, l-artisti, eċċ. iżda ma tikkunsidrax biżżejjed id-drittijiet tal-utenti u fl-aħħar mill-aħħar tal-konsumaturi. Filwaqt li jissemma l-fatt li l-attivitajiet kreattivi, artistiċi u kummerċjali huma mwettqa b'mod estensiv mill-professjonijiet liberali u għalhekk għandhom jiġu ffaċilitati u protetti, ma jintużax l-istess approċċ fil-livell tal-utenti. L-użu ta’ għadd ta’ xogħlijiet intellettwali, li huwa permess biss bħala eċċezzjoni għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, b'limitazzjonijiet għall-utenti; madankollu il-kundizzjonijiet tal-użu mhumiex ċari jew legalment definiti tajjeb, u l-konsumaturi qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-leġislazzjoni fis-seħħ meta jiġu biex jistabbilixxu l-użu permess.

Votazzjoni:

Favur

:

104

Kontra

:

61

Astensjonijiet

:

36


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-armonizzazzjoni tal-asserzjonijiet immirati lejn il-konsumaturi fuq il-prodotti kożmetiċi” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/06

Relatur: is-Sur OSTROWSKI

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura li jħejji opinjoni dwar

L-armonizzazzjoni tal-asserzjonijiet immirati lejn il-konsumaturi fuq il-prodotti kożmetiċi

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’115-il vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jqis li adozzjoni mgħaġġla ta’ kriterji komuni u ta’ gwida prattika dwar l-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi tkun ta’ benefiċċju għall-kumpaniji li joperaw fis-suq intern, għall-konsumaturi u għall-korpi ta’ kontroll.

1.2   Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea diġà bdiet taħdem fuq l-iżvilupp ta’ kriterji komuni għall-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi u li l-abbozzar tal-linji gwida dwar kriterji komuni jinsab fi stadju avvanzat.

1.3   Skont ir-Regolament Nru 1223/2009 dwar il-prodotti kożmetiċi, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament Ewopew u l-Kunsill dwar l-użu ta’ asserzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji komuni adottati. Madankollu, il-KESE jqis li l-iskadenza biex ir-rapport jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li ġiet stabbilita għal Lulju 2016, għandha titressaq ’il quddiem.

1.4   Għalhekk il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-proċess tal-adozzjoni tal-kriterji komuni biex it-tħejjija tar-rapport tkun tista’ ssir tal-anqas sena qabel.

1.5   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu ta’ linji gwida ġodda dwar l-asserzjonijiet etiċi u u ambjentali għall-finijiet ta’ reklamar sa meta l-kriterji ta’ “asserzjonijiet ekoloġiċi” jiġu stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni, (pereżempju fuq il-bażi ta’ linji gwida ġodda mħejjija mill-Ombudsman tal-Konsumaturi Daniż).

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Asserzjonijiet fuq il-kożmetiċi

2.1.1

L-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi huma dikjarazzjonijiet li jsiru, spiss waqt ir-reklamar, rigward il-funzjonijiet ta’ prodott (R. Schueller u P. Romanowski, C&T, Jannar 1998). Asserzjoni tista’ tkun kelma, sentenza, paragrafu jew sempliċement implikazzjoni. Pereżempju li prodott “inaqqas id-dehra ta’ linji rqaq u tat-tikmix f’10 ijiem” jew sempliċement huwa “kontra t-tixjiħ”. Eżempji oħra ta’ asserzjonijiet: “jaħbi x-xagħar griż 100 %” għaż-żebgħa tax-xagħar jew “70 % tan-nisa qablu li xagħarhom kien bla brija wara użu wieħed” minn studju ta’ perċezzjoni tal-konsumaturi li jippruvaw shampoo kontra l-brija.

2.1.2

L-asserzjonijiet fuq il-prodotti u r-reklamar, inklużi forom oħra ta’ komunikazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni (flimkien imsejħa “asserzjonijiet fuq il-prodotti”), huma għodod essenzjali biex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-prodotti u biex jiġu megħjuna jagħżlu l-prodotti li l-aktar jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-istennijiet tagħhom. Fid-dawl tar-rilevanza kbira tal-prodotti kożmetiċi għall-konsumaturi, huwa importanti ħafna li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara, utli, li tinftiehem u li tista’ titqabbel u li tkun affidabbli biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

2.1.3

L-asserzjonijiet fuq il-prodotti huma wkoll għodod essenzjali għall-kumpaniji tal-kożmetiċi biex jiddistingwu l-prodotti tagħhom minn dawk tal-kompetituri tagħhom u dawn l-asserzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu biex is-suq intern jaħdem tajjeb billi jistimolaw l-innovazzjoni u jrawmu l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji wkoll.

2.1.4

Biex l-asserzjonijiet fuq il-prodotti jilħqu l-għan tagħhom b’mod adegwat, jiġifieri jaqdu l-interessi tal-konsumaturi u tal-kumpaniji tal-kożmetiċi deskritti hawn fuq, huwa importanti li jkun hemm qafas effiċjenti stabbilit li jiżgura li l-asserzjonijiet fuq il-prodotti huma ġusti u ma jqarqux bil-konsumaturi, filwaqt li jqis il-kuntest u l-għodod tal-kummerċjalizzazzjoni (irrispettivament mill-fatt jekk din l-għodda hijiex stampata, reklam fuq it-televiżjoni, jew tuża kull mezz ta’ xandir ġdid bħall-internet jew l-ismart phones) li permezz tagħhom qed jitwasslu dawn l-asserzjonijiet.

2.2   Leġislazzjoni dwar l-asserzjonijiet fuq il-kożmetiċi fl-UE

2.2.1

Ir-Regolament dwar il-prodotti kożmetiċi (Regolament (KE) Nru. 1223/2009, imqassar CPR) ser jieħu post id-Direttiva 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi sa Lulju 2013. Ir-Regolament il-ġdid għandu bħala għanijiet ewlenin li jiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi u li jiżgura li s-suq intern jaħdem tajjeb. Ir-Regolament jiddikjara li “l-konsumatur għandu jkun imħares minn stqarrijiet qarrieqa dwar l-effikaċja u karatteristiċi oħra tal-prodotti kożmetiċi”.

2.2.2

Ir-Regolament jirrigwarda biss prodotti kożmetiċi u mhux prodotti mediċinali, tagħmir mediku jew prodotti bijoċidali. Għall-iskop tar-Regolament “prodott kożmetiku” ifisser kull sustanza jew taħlita intiża biex titqiegħed f’kuntatt ma’ partijiet esterni tal-ġisem tal-bniedem, jew mas-snien u l-membrani mukkużi tal-kavità orali bil-ħsieb esklużiv jew prinċipali li tnaddafhom, tfewwaħhom, tbiddel id-dehra tagħhom, tħarishom, iżżommhom f’kundizzjoni tajba jew tikkoreġi l-irwejjaħ tal-ġisem. Sustanza jew taħlita intiża li tinbela’, li tidħol mill-imnifsejn, li tiġi injettata jew li tiġi impjantata fil-ġisem tal-bniedem ma għandhiex titqies li hija prodott kożmetiku.

Il-prodotti kożmetiċi jinkludu pereżempju prodotti intiżi għall-kura tax-xagħar (shampoo, prodotti li jtejbu l-kundizzjoni tax-xagħar, eċċ.), il-kura tal-ġilda (lotions għall-ġisem, kremi għall-wiċċ, prodotti għad-dwiefer, eċċ.), l-iġene personali (prodotti tal-banju u tad-doxxi, toothpastes, deodoranti/antiperspiranti, eċċ), kożmetiċi tal-kulur (żebgħa tax-xagħar, make-up, eċċ.), fwejjaħ (fwieħa, eau de toilette, eċċ).

2.2.3

Artikolu 20 tar-Regolament jistipola li “[…] meta […] jsir reklamar tal-prodotti kożmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trejdmarks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma għandhomx jintużaw biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi jew funzjonijiet li ma għandhomx”.

2.2.4

Fir-rigward tal-asserzjonijiet fuq il-prodotti li jqarqu, l-artikoli rilevanti tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (mqassara bħala UCP) ser jitqiesu wkoll.

2.2.5

L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva (Azzjonijiet qarrieqa) jiddikjara li “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment,” jekk fost affarijiet oħra “il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, […] (bħal)l-idoneità għall-għan, l-użu, […] jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott”.

2.2.6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva (L-Ommissjonijiet Qarrieqa) itenni li, “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata”. Il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott li jidħlu fl-asserzjoni fuq il-prodott għandhom jitqiesu bħala informazzjoni materjali (sal-punt li hu adatt għall-mezz u l-prodott).

2.2.7

Barra minn hekk, dawk li jagħmlu r-reklami jridu jsegwu wkoll ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv.

2.3   Prattiki attwali fis-suq intern

2.3.1

Il-każijiet legali u regolatorji Ewropej attwali juru li awtoritajiet differenti fl-Istati Membri jinterpretaw l-istess leġislazzjoni li ssemmiet hawn fuq b’modi differenti u għalhekk m’hemm l-ebda interpretazzjoni unifikata tar-regoli għall-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi. Dan jitfa’ piż kbir fuq il-kumpaniji tal-kożmetiċi li jaħdmu fis-suq komuni peress li ma jistgħux ikunu ċerti li r-reklam tagħhom li huwa legali pereżempju fi Franza mhux ser jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mal-awtoritajiet nazjonali rilevanti fl-Ungerija jew ir-Renju Unit. Ħafna minn dawn il-każijiet wasslu għal multi kbar għall-kumpaniji tal-kożmetiċi. Fl-2007, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Ungeriża, pereżempju, iddikjarat li peress li l-eżamijiet kliniċi saru fl-Istati Uniti u fi Franza, fl-Ungerija ma tista’ tintuża l-ebda dikjarazzjoni dwar l-effiċjenza tal-prodotti kożmetiċi appoġġjata minn asserzjonijiet tat-tip ta’ persentaġġ miksuba minn dawn l-eżamijiet kliniċi. Huma jemmnu li hemm differenzi fit-tip tal-ġilda ta’ pajjiżi differenti u ta’ żoni ġeografiċi differenti. Bħala konsegwenza, ir-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet li jsiru f’kundizzjonijiet klimatiċi differenti, f’kundizzjonijiet differenti ta’ umdità, fost nisa b’abitudnijiet ta’ ikel differenti, ma jagħtux informazzjoni adegwata lill-konsumaturi Ungeriżi dwar l-effiċjenza ta’ dawn il-prodotti kożmetiċi. L-ebda Stat Membru tal-UE ma wasal għall-istess konklużjonit s’issa. Barra minn hekk, hemm rekwiżiti lokali differenti għall-prodotti “naturali”, “bio” jew “organiċi”. L-interpretazzjoni tal-liġi b’modi differenti hija wkoll għad-detriment tal-konsumaturi peress li dawn jistgħu jkunu protetti aħjar fi Stat Membru u mhux f’ieħor.

2.3.2

Id-differenzi fl-interpretazzjoni minħabba nuqqas ta’ kriterji komuni u gwida prattika għall-asserzjonijiet fuq il-prodotti joħolqu l-bżonn li l-kumpaniji tal-kożmetiċi li joperaw fis-suq intern jirrevedu u jivverifikaw kull asserzjoni u reklam huma stess f’kull Stat Membru biex jiżguraw li jkunu qed isegwu l-liġi f’dak il-pajjiż. B’hekk, dawn il-kumpaniji jġarrbu spejjeż addizzjonali, li jistgħu jitnaqqsu bl-adozzjoni ta’ gwida komuni għall-asserzjonijiet dwar il-kożmetiċi fl-UE, u dak li jiġi frankat jista’ jintuża għall-innovazzjoni, ir-riċerka jew biex jorħsu l-prezzijiet tal-prodotti. Ta’ min wieħed isemmi li s-suq tal-kożmetiċi Ewropew jirrappreżenta kważi terz tas-suq globali tal-kożmetiċi, b’aktar minn 4 000 kumpanija tipproduċi prodotti fl-Unjoni Ewropea, u timpjega b’mod dirett jew indirett 1,7 miljun persuna.

Il-ħtieġa li l-kumpaniji tal-kożmetiċi li joperaw fis-suq intern jirrevedu u jivverifikaw kull asserzjoni u reklam għal kull Stat Membru tfisser ukoll li s-suq intern ma jeżistix għal din il-parti tas-suq.

2.3.3

Id-differenzi fl-interpretazzjoni minħabba nuqqas ta’ gwida komuni għall-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi fl-UE l-anqas mhuma ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, peress li ma jistgħux ikunu żguri x’inhi t-tifsira adegwata ta’ asserzjoni partikolari meta jkunu qed jixtru l-istess prodott fi Stat Membru differenti u dan jista’ jwassal għal konfużjoni. Jekk m’hemm l-ebda kriterju komuni, pereżempju għall-prodotti “naturali”, “bio” jew “organiċi”, il-konsumaturi ma jkollhomx ċertezza dwar il-kwalità vera tal-prodott. Fl-ambjent attwali tal-internet, il-konsumaturi jistgħu wkoll jixtru b’faċilità lil hinn mill-fruntieri u prodotti differenti f’pajjiżi differenti huma disponibbli permezz ta’ “klikk” biss. Jekk il-konsumaturi jaraw li permezz tal-użu ta’ prodott kontra ċ-ċellulite “d-dehra taċ-ċellulite ser tonqos f’10 ijiem biss”, mingħajr l-ebda nota ta’ spjega f’pajjiż, filwaqt li fil-pajjiżi l-oħra tidher in-nota ta’ spjega li ġejja “b’eżerċizzju regolari u dieta”, jistgħu jitħawdu dwar l-effiċjenza vera tal-prodott. Barra minn hekk, il-kriterji komuni għall-asserzjonijiet huma meħtieġa peress li l-konsumaturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jqabblu prodotti differenti tal-istess kategorija (pereżempju żewġ tipi ta’ kremi għall-wiċċ). Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-asserzjonijiet kollha jkunu jistgħu jiġu vverifikati faċilment abbażi ta’ kriterji komuni. L-asserzjonijiet ċari u konkreti u li jkunu bbażati fuq metodi ġeneralment aċċettabbli biss jippermettu lill-konsumaturi jqabblu l-prodotti u jagħmlu għażla infurmata li tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom bl-aħjar mod.

2.4   Il-bżonn ta’ gwida prattika komuni fl-UE

2.4.1

Skont l-Artikolu 20 tal-Regolament dwr il-prodotti kożmetiċi, il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara li tikkonsulta l-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumaturi (SCCS) jew awtoritajiet rilevanti oħra, għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni u tadotta lista ta’ kriterji komuni għall-asserzjonijiet li jistgħu jintużaw rigward prodotti kożmetiċi li jqisu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur.

2.4.2

Is-sena l-oħra l-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem fuq l-iżvilupp ta’ kriterji komuni għall-asserzjonijiet fuq il-prodotti kożmetiċi u qed taħdem mal-partijiet interessati (l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-industrija tal-kożmetika, l-industiji ta’ forniment, l-SMEs, eċċ.). Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress ta’ din il-ħidma peress li l-linji gwida jinsabu fi stadju avvanzat ta’ abbozzar.

2.4.3

Sa Lulju 2016, il-Kummissjoni ser tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport rigward l-użu ta’ asserzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji komuni adottati. Jekk ir-rapport jikkonkludi li l-asserzjonijiet użati fuq il-prodotii kożmetiċi mhumiex konformi mal-kriterji komuni, il-Kummissjoni ser tieħu passi adatti u aktar stretti biex tiżgura l-konformità b’kooperazzjoni mal-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tirrevedi l-iskop tal-linji gwida u minn gwida ġenerali tersaq lejn approċċ aktar dettaljat (pereżempju azzjoni leġislattiva kif sar fil-każ tal-asserzjonijiet fuq il-prodotti tal-ikel).

2.4.4

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li jiddaħlu kriterji komuni li jipprovdu qafas armonizzat fil-livell tal-UE għall-ġustifikazzjoni tal-użu ta’ asserzjonijiet għall-prodotti kożmetiċi kollha. Il-kriterji ser japplikaw għall-asserzjonijiet kollha fuq il-prodotti kożmetiċi, primarji kif ukoll sekondarji, fil-mezzi kollha tax-xandir, u ser jippermettu li d-dettalji speċifiċi jitfasslu għall-prodott, l-ippakkettar tiegħu, l-asserzjonijiet u l-kuntest tagħhom, mingħajr xkiel għall-innovazzjoni filwaqt li jiżguraw li jiġu rispettati l-istess regoli.

2.4.5

Madankollu, il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tħaffef il-proċess. Jekk il-ħidma fuq il-linji gwida għall-kriterji komuni tabilħaqq tinsab fi stadju avvanzat ta’ abbozzar, il-KESE jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmilhom operattivi preferibbilment fil-bidu tal-2012, biex ir-rapport jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew ħafna qabel l-2016.

2.4.6

L-abbozz ta’ linji gwida dwar il-kriterji komuni tal-Kummissjoni Ewropea bħalissa ma jagħmilx referenza speċifika għall-“asserzjonijiet ekoloġiċi”. Il-kwistjoni qed tiġi diskussa fil-livell tal-ISO. Madankollu, bħalissa huwa diffiċli li wieħed jgħid jekk l-istandards maqbula hux ser ikunu adatti għall-użu fl-Unjoni Ewropea u meta ser ikunu disponibbli. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-użu ta’ linji gwida ġodda dwar l-asserzjonijiet etiċi u ambjentali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni sa dak iż-żmien (pereżempju fuq il-bażi tal-linji gwida l-ġodda mfassla mill-Ombudsman tal-Konsumaturi Daniż).

2.4.7

Il-KESE huwa tal-fehma li l-asserzjonijiet għandhom ikunu appoġġjati minn studji xjentifiċi oġġettivi (pereżempju studji kliniċi) jew minn studji soġġettivi dwar il-perċezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, iż-żewġ tipi ta’ studji għandhom jissodisfaw kriterji ġenerali aċċettati (numru ta’ konsumaturi li jipparteċipaw, rappreżentanza tajba, eċċ.) biex ma jqarqux bil-konsumaturi.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istrateġiji ta’ ħruġ mill-kriżi tal-UE u r-rikonverżjoni industrijali: impjiegi aktar prekarji jew sostenibbli?” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/07

Relatur: is-Sur SIEKER

Korelatur: is-Sur POP

Nhar il-15 ta’ Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-istrateġiji ta’ ħruġ mill-kriżi tal-UE: impjiegi aktar prekarji jew sostenibbli?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’123 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-ewwel nett, dan id-dokument jipprova jwieġeb il-mistoqsija dwar x’inhu l-aħjar mod kif l-industrija Ewropea toħroġ mill-kriżi. Il-KESE jinsab konvint li biex dan iseħħ hemm bżonn impjiegi sostenibbli. Dawn huma impjiegi li permezz tagħhom in-nies ikunu jistgħu jaqilgħu salarji f’ambjent sigur u f’saħħtu u fi klima fejn jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tal-impjegati u fejn ikun hemm lok għal djalogu soċjali produttiv. Dawn huma impjiegi bi produttività għolja li japprezzaw l-innovazzjoni, il-kwalità, l-effiċjenza u l-produttività. Bis-saħħa t’hekk l-Ewropa tista’ tiġġenera tkabbir ekonomiku stabbli u tibqa’ kompetittiva meta mqabbla ma’ reġjuni oħra fid-dinja.

1.2   Fil-fehma tal-KESE, l-iktar prerekwiżit importanti biex jinħolqu dawn l-impjiegi ġodda huwa t-tkabbir ekonomiku stabbli. Il-KESE bi pjaċir jinnota li għadd ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ressqu proposti għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika li jikkunsidraw id-dimensjoni soċjali tal-irkupru. L-Istrateġija Ewropa 2020, li tinkludi l-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea, u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tas-suq tax-xogħol mill-imsieħba soċjali Ewropej qed jimxu fl-istess direzzjoni, iżda anke l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-ILO u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) qed jirrakkomandaw li ma jitqisux biss l-interessi ekonomiċi.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-intrapriżi jistgħu jeħtieġu diversi tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol. Dan iwassal għal opportunitajiet ġodda tax-xogħol. Iżda b’hekk jinħoloq l-impjieg prekarju b’persuni fuq kuntratti temporanji, b’paga baxxa, ħarsien soċjali ta’ livell baxx u mingħajr protezzjoni tad-drittijiet. Madankollu, mhux kull impjieg temporanju huwa prekarju, il-ħaddiema indipendenti kkwalifikati sew jistgħu jagħmlu qligħ eċċellenti fis-suq tax-xogħol b’dan it-tip ta’ kuntratt. Iżda x-xogħol temporanju fih innifsu huwa prekarju meta jkun fil-qasam ta’ impjieg b’paga baxxa jew li ma jeħtieġx kwalifiki fil-produzzjoni u s-servizzi. Il-flessigurtà tista’ toffri soluzzjoni għall-ħtiġiet tal-intraprendituri għal xogħol flessibbli, iżda biss meta dan joffri l-vantaġġi tas-sigurtà ta’ livell kumparabbli mas-sigurtà offruta minn impjieg fiss, kif ġie rrakkomandat fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-flessigurtà (CCMI/066).

1.4   B’riżultat tal-iżviluppi demografiċi – it-tixjiħ tal-popolazzjoni u għadd dejjem iżgħar ta’ żgħażagħ deħlin fis-suq tax-xogħol – u l-bidliet teknoloġiċi rapidi fil-proċessi tal-produzzjoni, l-Ewropa qed tiġi mhedda b’nuqqas kbir ta’ persunal kwalifikat. Għalhekk, huwa tal-ikbar importanza li kulħadd ikollu aċċess għas-suq tax-xogħol u li dan l-aċċess jinżamm u li ħadd ma jiġi eskluż. Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema jrid ikollhom il-possibbiltà li jżommu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom aġġornati u li jiżviluppaw kompetenzi ġodda matul il-ħajja professjonali. B’hekk, il-ħaddiema jkunu kapaċi jadattaw għat-tibdiliet fil-kuntest ta’ xogħlhom u barra minn hekk tkun tista’ tiġi indirizzata d-domanda għal ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol. L-organizzazzjoni ta’ dan il-proċess b’mod tajjeb u effiċjenti hija waħda mill-iktar kompiti importanti li għandha l-UE biex tibqa’ kompetittiva ma’ reġjuni oħra fid-dinja.

1.5   Il-KESE jisħaq li l-ħaddiema għandu jkollhom aċċess għall-programmi ta’ taħriġ professjonali. Minħabba li mir-riċerka jidher li l-ħaddiema li għandhom bżonn it-taħriġ l-iktar huma l-inqas li jagħmlu użu minnu, hemm bżonn miżuri differenti għal gruppi ta’ ħaddiema differenti:

1.5.1   Biċċa kbira mill-baġit għandha tkun dedikata għall-ħaddiema bl-inqas kwalifiki għax dawn huma l-iktar li għandhom bżonn it-taħriġ. Dan jista’ jsir bl-għoti ta’ baġits tat-taħriġ lill-ħaddiema individwali fejn l-ammont ikun proporzjonali b’mod invers għall-livell tat-taħriġ b’tali mod li l-ħaddiema bl-inqas kwalifiki jingħataw l-iktar fondi.

1.5.2   Għall-ħaddiema mdaħħla fl-età hemm bżonn politika tal-persunal iktar sensittiva għall-età. Għad li f’ħafna Stati Membri tal-UE l-età tal-pensjoni għoliet, ħafna persuni mdaħħla fl-età qed jitilfu xogħlhom fis-suq tax-xogħol qabel ma jilħqu l-età attwali tal-pensjoni pereżempju għax ma jistgħux ilaħħqu mal-bidliet. It-taħriġ immirat u speċifiku jista’ jikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta’ din il-problema.

1.5.3   Huwa ferm importanti li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu effettivi. Diversi Stati Membri pprovaw metodi ta’ taħriġ ġodda u iktar effettivi u qed jerġgħu jsibu l-importanza tal-apprendistat fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati iktar dawn it-toroq u jappella lill-Kummissjoni tistimula dan l-iżvilupp billi tieħu ħsieb li jsir skambju tal-prattiki tajbin f’dan il-qasam.

1.5.4   Huma u jwettqu xogħlhom il-ħaddiema jiksbu għarfien u tagħlim informali iżda utli. Il-kompetenzi li jinkisbu b’dan il-mod mhumiex rikonoxxuti biżżejjed għax ma tingħata l-ebda diploma formali. F’diversi Stati Membri qed titħejja sistema għar-Rikonoxximent tal-Ksib tal-Kompetenzi (EVC). Anki din l-inizjattiva jistħoqqilha r-rikonoxximent u l-appoġġ mill-Kummissjoni.

1.5.5   Fuq l-inizjattiva tad-DĠ għall-Edukazzjoni u l-Kultura ġew zviluppati għadd ta’ strumenti għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-avvanz tat-tagħlim tul il-ħajja fil-livell Ewropew (1). Dawn l-istrumenti issa jinsabu stabbiliti fil-partijiet kollha tal-qasam edukattiv biex jissaħħu l-mobbiltà u d-disponibbiltà ta’ studenti fl-Ewropa. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-istrumenti u jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw biex jissaħħu l-mobbiltà u d-disponibbiltà tal-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea.

1.5.6   Hemm diversi strumenti disponibbli biex jiġi ffaċilitat dan it-tip ta’ miżura. Xi wħud minn dawn il-programmi jistgħu jiġu stabbiliti fil-ftehimiet tan-negozjar kollettivi, u jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri bl-għoti ta’ inċentivi finanzjarji bħall-eżenzjoni mit-taxxa. L-Unjoni Ewropea tista’ tikkontribwixxi permezz ta’ kofinanzjament mill-fondi strutturali u billi xxerred il-prattiki tajba fost l-istituzzjonijiet rilevanti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

1.5.7   Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema mhux biss għandhom id-dritt għall-aċċess għall-programmi tat-taħriġ professjonali iżda għandhom bżonn ukoll is-sigurtà tad-dħul u l-ħarsien soċjali biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw sew mingħajr ansjetà dwar il-futur f’soċjetà li qed tinbidel malajr.

1.6   L-ambizzjoni tal-UE huwa li tiżviluppa f’ekonomija kompetittiva tal-għarfien b’iktar impjiegi u impjiegi aħjar u koeżjoni soċjali aħjar. Fit-Trattat ta’ Lisbona hemm imniżżel b’mod ċar li l-UE tixtieq tilħaq dan il-għan, fost affarijiet oħra, billi tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali, iżżid il-progress ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini u tiżgura d-drittijiet soċjali tal-Karta Soċjali Ewropea tal-1961, tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-2000.

1.7   Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżommu l-istandard soċjali Ewropew b’iktar konvinzjoni. In-nuqqas ta’ ħeġġa f’dan il-qasam fost affarijiet oħra qed iwassal għadd ikbar ta’ ħaddiema fqar, inugwaljanza dejjem tiżdied, ansjetà dejjem ikbar dwar il-futur u fl-istess ħin dejjem inqas fiduċja min-naħa taċ-ċittadini f’xulxin, fl-istituzzjonijiet soċjali u fil-gvern - mhux biss fir-rigward tal-gvern nazzjonali iżda wkoll fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej, kif qed jurina l-Ewroxettiċiżmu dejjem jiżdied f’għadd ta’ Stati Membri.

1.8   Fl-Istati Membri hemm bosta inizjattivi fil-qasam diskuss f’din l-Opinjoni. Xi wħud minn dawn l-inizjattivi huma deskritti fl-anness mehmuż ma’ din l-Opinjoni. L-eżempji msemmija mill-membri tas-CCMI fl-anness juru li hemm dinamiżmu kbir, iżda anke li hemm differenzi kbar bejn il-pajjiżi u s-setturi. Hemm bżonn li jsir skambju tal-esperjenzji u prattiki tajba fil-livell prattiku. X’jaħdem u x’ma jaħdimx? Liema huma l-fatturi kruċjali? Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi u tiffaċilita l-iskambju tal-esperjenzi u tal-prattiki tajbin.

2.   Il-qagħda attwali

2.1   L-ekonomija issa ilha fi kriżi dawn l-aħħar tliet snin. Bdiet bi kriżi fis-swieq finanzjarji kkawżata minn suq tad-djar staġnat fl-Istati Uniti. Fit-tieni sitt xhur tal-2008, l-“ekonomija reali” esperjenzat tnaqqis gravissimu fir-ritmu bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja. Il-“kriżi ta’ kreditu” akuta ma tkoprix l-ambitu sħiħ tal-kriżi. Il-problema ma kinitx biss waħda ta’ nuqqas tal-likwidità u (fuq perijodu itwal) tal-kapital; kien hemm ukoll kriżi ta’ fiduċja strutturali u ġenerali fis-settur finanzjarju.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja ma tittrattax il-kriżi, iżda tripprova twieġeb il-mistoqsija dwar x’inhu l-aħjar mod kif l-industrija Ewropea toħroġ minnha.

2.2   B’kollox, fl-2009 u fl-2010 fl-Ewropa ntilfu 3,25 miljun impjieg, l-iktar fl-industrija u l-agrikoltura. Anke qabel ma bdiet il-kriżi, l-Unjoni Ewropea kienet esprimiet it-tħassib tagħha dwar it-tibdil demografiku. Billi l-baby-boomers, li twieldu wara t-Tieni Gwerra Dinjija, issa waslu biex jirtiraw, dalwaqt se jkun hawn nuqqas kbir ta’ ħaddiema tas-sengħa. Billi l-ħaddiema mdaħħla fl-età qed jieqfu mix-xogħol b’rata iktar mgħaġġla minħabba l-kriżi l-kwistjoni ta’ kif se jiġu sostitwiti issa saret dejjem iktar urġenti. Dan il-punt joħloq żewġ problemi relatati. L-ewwel waħda hija kwantitattiva: f’uħud mill-Istati Membri, u f’xi setturi industrijali, se jidħlu żgħażagħ mhux kwalifikati biżżejjed fis-suq tax-xogħol biex jindirizzaw id-domanda. It-tieni problema tikkonċerna l-kwalità: il-mod għal għarrieda kif il-forza tax-xogħol qed tinbidel qed ixekkel it-trasferiment tal-għarfien fil-kumpaniji u l-impriżi.

2.3   L-iktar prerekwiżit importanti biex jinħolqu impjiegi ġodda huwa t-tkabbir ekonomiku stabbli. Mill-bidu tal-2010, kien hemm evidenza ta’ rkupru fraġli, b’żieda żgħira fil-produzzjoni f’numru ta’ setturi industrijali, u domanda għall-ħaddiema li qed tiżdied bil-mod il-mod, għalkemm is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Minħabba l-influwenza tal-globalizzazzjoni s-soċjetà qed tinbidel b’rata mgħaġġla u s-suq tax-xogħol qed tinbidel magħha. L-intrapriżi jużaw diversi tipi ta’ xogħol. Dan qed iwassal dejjem iktar għal forom ġodda ta’ impjiegi, fosthom dawk prekarji. Skont l-aħħar stħarriġ tal-Eurofond dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa jidher li impjieg fiss għadu xi ħaġa normali għall-biċċa l-kbira tal-impjegati iżda l-għadd ta’ ħaddiema temporanji qed jiżdied (2). L-iktar strumenti importanti biex jiġu evitati l-ftehimiet kollettivi jidhru li huma s-sottokuntrattar, l-esternalizzazzjoni u x-xogħol indipendenti “falz” b’kundizzjonijiet tax-xogħol minimi. L-użu ta’ dawn il-mudelli żdied fis-snin reċenti.

3.   Sfond

3.1   Il-mudell soċjali Ewropew huwa għamla unika ta’ kapitaliżmu soċjali, li żviluppa fl-Ewropa minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn u li kellu suċċess fil-ġlieda kontra l-agħar aspetti tal-kapitaliżmu filwaqt li fl-istess ħin żamm il-benefiċċji li jġib miegħu. Dan il-mudell kien sors ta’ ispirazzjoni għall-Istati Membri tal-UE huma u jibnu soċjetà msejsa fuq il-koeżjoni, is-solidarjetà u l-kompetittività. Fl-aħħar mill-aħħar dan il-mudell għandu jwassal għal żona ta’ benesseri li tkun demokratika, tirrispetta l-ambjent, tkun kompetittiva bbażata fuq is-solidarjetà u l-inklużjoni soċjali għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa.

3.2   Dan il-prinċipju jidher ukoll fit-Trattat ta’ Lisbona. Barra milli tistipula għadd ta’ drittijiet ekonomiċi u regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern, l-UE twiegħed liċ-ċittadini tagħha li:

tixtieq tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali;

hija determinata li tippromovi l-progress ekonomiku u soċjali għaċ-ċittadini tagħha;

tiggarantixxi d-drittijiet soċjali stipulati fil-Karta Soċjali Ewropea tal-1961, il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

tfittex l-ogħla livell possibbli ta’ għarfien għaċ-ċittadini tagħha permezz ta’ aċċess wiesa’ għall-edukazzjoni;

tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet u tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijet bħall-impjieg u x-xogħol, inkluża paga ugwali għal xogħol ugwali jew tal-istess valur fl-istess kumpanija jew l-istess ftehim kollettiv.

3.3   Iżda fir-realtà, is-sitwazzjoni tidher inqas promettenti. L-impjiegi qed jinħolqu, iżda l-iktar impjiegi temporanji, mingħajr irbit u bi dħul baxx, b’sigurtà soċjali limitata u ftit li xejn protezzjoni għall-impjegati. Fiha nnifisha hija ħaġa loġika li min iħaddem ma joffrix kuntratti fissi mill-ewwel lill-impjegati meta l-ekonomija tibda ħierġa bil-mod il-mod minn kriżi. Din tista’ tkun soluzzjoni utli għall-offerta tas-suq tax-xogħol u fl-istess ħin tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali għax jiġi offrut xogħol lil grupp ta’ nies li kieku ma jidħlux fis-suq tax-xogħol. Iżda dan m’għandux iwassal għall-esplojtazzjoni, meta l-irkupru javvanza u x-xogħol ikun jidher ta’ tip strutturali dawn l-impjiegi wkoll għandhom jinbidlu f’forma ta’ kuntratt bil-garanzija ta’ dħul raġonevoli, sigurtà soċjali u protezzjoni tad-drittijiet.

3.4   Ħaġa iktar inkwetanti hija li anke l-impjiegi stabbli b’kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti qed isiru prekarji b’kuntratti mingħajr irbit, temporanji u bi ftit li xejn sigurtà soċjali u protezzjoni limitata. Dan ma jiġrix biss fis-settur privat iżda anke fil-gvern. Dan imur kontra l-wegħdiet liċ-ċittadini dwar il-koeżjoni soċjali fit-Trattat ta’ Lisbona. B’mod ġenerali, mhux kull impjieg temporanju huwa prekarju, l-ispeċjalisti kkwalifikati sew jistgħu jagħmlu qligħ eċċellenti minn dan l-arranġament fis-suq tax-xogħol. Iżda x-xogħol temporanju fih innifsu huwa prekarju meta jkun fil-qasam ta’ impjieg b’paga baxxa jew li ma jeħtieġx kwalifiki fil-produzzjoni u s-servizzi (3).

3.5   F’ħafna oqsma l-Ewropa għadha minn ta’ quddiem fid-dinja fil-qasam tal-benesseri, ħarsien soċjali u kompetittività iżda morna lura meta nqabblu mal-passat tagħna u ma’ ekonomiji oħrajn. Il-faqar qed jiżdied, id-differenzi fid-dħul qed jikbru u l-infiq pubbliku qed jonqos, skont studju tal-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku) mill-2008 (4).

3.6   Fl-2003, l-Eurostat żiedet “il-ħaddiema fqar” mal-portafoll Ewropew ta’ indikaturi soċjali. Fl-2008, il-persentaġġ ta’ “ħaddiema fqar” fl-UE-27 żdied għal 8,6 %. Fost affarijiet oħra, dan huwa riżultat tal-fatt li l-parti tax-xogħol stabbli u deċenti qed tonqos, filwaqt li l-proporzjon ta’ xogħol instabbli u prekarju qed jiżdied. Dan qed iwassal għal dejjem inqas fiduċja fost iċ-ċittadini. U soċjetà mibnija fuq in-nuqqas ta’ fiduċja u li qed titħassar minħabba l-kunflitt soċjali m’għandhiex ċans għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u stabbli.

3.7   L-inugwaljanza materjali żdiedet ġmielha fl-aħħar għaxar snin. F’wieħed mill-aħħar kotba (5) tiegħu, Judt ta xi eżempji rimarkabbli. Fir-Renju Unit l-inugwaljanza hija ikbar milli kienet mis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor ’l hawn, dan il-pajjiż għandu l-ikbar numru ta’ tfal fqar fl-UE, il-maġġoranza tal-impjiegi ġodda li nħolqu jitħallsu jew tajjeb ħafna jew ħażin ħafna u mill-1973 ’l hawn id-differenza fid-dħul imkien ma żdiedet daqshekk.

Fl-Istati Uniti, fl-1968 il-kap tal-General Motors qala’ 66 darba iktar mis-salarju medju tal-ħaddiema tiegħu, filwaqt li fl-2009 l-kap ta’ Wal-Mart qala’ 900 darba iktar mis-salarju medju tal-impjegati tiegħu. Dan l-eżempju jirrappreżenta l-estremi iżda l-medja turi stampa simili. Fl-1965, id-diretturi tal-kumpaniji l-kbar qalgħu 24 darba iktar mis-salarju medju fl-intrapriżi tagħhom, filwaqt li fl-2007, dan żdied għal 275 darba iktar. (6)

3.8   L-ispejjeż soċjali ta’ inugwaljanzi jiżdiedu huma għolja. Skont ir-riċerka ta’ Wilkinson u Picket (7), soċjetà fejn l-inugwaljanza materjali tkun relattivament kbira, ħafna drabi f’kull aspett ieħor tal-ħajja ta’ kuljum tmur agħar minn soċjetà fejn l-inugwaljanza materjali relattiva tkun żgħira. In-nies ikunu inqas b’saħħithom, il-ħajja tkun iqsar, ikun hemm iżjed kriminalità u – l-ikbar problema – tonqos il-fiduċja tan-nies f’xulxin u fis-soċjetà. Fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal biex in-nies iduru kontra l-awtoritajiet, kemm dawk nazzjonali kif ukoll kontra l-Unjoni Ewropea kif qed naraw biż-żieda fl-Ewroxettiċiżmu f’għadd ta’ Stati Membri dejjem jikber. Dan ifixkel ukoll il-fiduċja li n-nies ikollhom f’xulxin, pereżempju bejn l-imsieħba soċjali.

4.   Għanijiet

4.1   Il-bidla ekonomika qed tgħaġġel dejjem aktar. Flimkien mal-problemi demografiċi li qed inħabbtu wiċċna magħhom jitolbu azzjoni radikali u malajr. Is-soċjetà qatt mhi “lesta”: hija tiżviluppa l-ħin kollu u s-suq tax-xogħol irid jimxi ma’ dawn l-iżviluppi. Iżda mhumiex biss l-isfidi ekonomiċi li jinfluwenzaw l-orjentazzjoni: hemm ukoll l-interessi soċjali. B’hekk, l-isfida hija kif nistgħu norjentaw lis-suq tax-xogħol b’tali mod li tgawdi minnu s-soċjetà kollha kemm hi.

4.2   Fl-istituzzjonijiet kollha kkonċernati jidher li hemm kunsens dwar id-direzzjoni li għandha tittieħed fis-suq tax-xogħol. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżenta linji gwida dwar il-politika tal-impjiegi (8) li jagħtu attenzjoni speċjali lill-aspetti soċjali. Il-Kunsill tal-Ministri tax-Xogħol għal darb’oħra semma l-vantaġġi tal-flessibbiltà fi ħdan il-kumpaniji, minflok ma jkun hemm ċerta flessibbiltà “fuq barra”. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tappella lill-UE biex tiżviluppa strateġija għall-“impjiegi ekoloġiċi”. Din għandha tgħin mhux biss biex jinħoloq ġejjieni sostenibbli iżda fl-istess ħin iġġiegħel lill-Ewropa tkun innovattiva (9). Il-KESE diġà ħareġ għadd ta’ Opinjonijiet dwar dan is-suġġett (10). Il-Parlament Ewropew ukoll adotta riżoluzzjoni b’maġġoranza dwar il-ftehimiet tax-xogħol atipiċi u ħareġ favur l-impjiegi stabbli u kontra l-konverżjoni ta’ impjiegi stabbli f’impjiegi prekarji (11).

4.3   Fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet għadd ta’ “inizjattivi ewlenin” bi proposti konkreti f’dan il-qasam. Fid-dokument bl-isem ta’ “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni” hija tipproponi li jinħolqu impjiegi ta’ valur ogħla u produttività ogħla. Fl-inizjattivi ewlenin “Żgħażagħ attivi” u “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda” isir appell għall-“kuntratt uniku”. B’dawn it-tipi ġodda ta’ kuntratt il-Kummissjoni tixtieq tgħaqqad is-suq tax-xogħol maqsum fi tnejn billi l-persuni l-ġodda f’dan is-suq, wara żmien ta’ prova raġonevoli, jingħataw id-drittijiet soċjali li jwasslu għall-aċċess għas-sistemi bbażati fuq negozjati kollettivi bejn l-imsieħba soċjali jew fuq il-liġi.

4.4   Anke l-imsieħba soċjali Ewropej tista’ tgħid jaqblu dwar il-politika li trid tiġi segwita. Fl-2007 (12) u fl-2010 (13), BUSINESSEUROPE, il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), UEAPME u CEEP ippubblikaw rapporti li kien fihom rakkomandazzjonijiet għal politika dwar is-suq tax-xogħol li ma tkoprix biss l-interessi ekonomiċi iżda wkoll dawk soċjali.

4.5   F’konferenza li saret f’Oslo f’Settembru 2010, l-FMI u l-ILO saħqu li kien ferm importanti li jitnaqqsu r-rati enormi tal-qgħad, mhux biss għal raġunijiet ekonomiċi iżda anke fl-interessi tal-koeżjoni soċjali. Skont l-FMI, hemm bżonn li nevitaw ir-riskju li tintilef ġenerazzjoni sħiħa mis-suq tax-xogħol. Mill-1999 ’l hawn, l-“Aġenda dwar ix-Xogħol Deċenti” tal-ILO kellha l-għan li n-nies ikunu jistgħu jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ libertà, ugwaljanza, sigurtà u dinjità umana. F’Ġunju 2009, l-ILO adottat il-“Global Jobs Pact”, inizjattiva ġdida mmirata lejn l-irkupru ekonomiku u ż-żamma tal-impjiegi. Fl-aħħar pubblikazzjoni tagħha dwar l-impjiegi (14), l-OECD appellat għal politika li tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-qgħad tal-massa fit-tul.

4.6   M’hemmx għalfejn ngħidu li l-prinċipju bażiku huwa li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva meta mqabbla ma’ reġjuni oħra fid-dinja, u dan ser ikun possibbli biss bis-saħħa tal-innovazzjoni, il-kwalità, l-effiċjenza u l-produttività. L-UE ma tistax sempliċiment tikkompeti fuq l-ispejjeż ma’ pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Dan jista’ jirriżulta biss f’kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa li jmorru lura – u dan imur kontra l-ambizzjoni tal-UE li tkun ekonomija tal-għarfien kompetittiva li toffri aktar impjiegi u impjiegi aħjar, kif ukoll koeżjoni soċjali akbar. Minbarra li tirdoppja l-isforzi tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp, fuq kollox l-UE għandha tinvesti fl-inċentivi u l-appoġġ għall-iskejjel u li permezz tagħhom ir-responsabbiltajiet għall-edukazzjoni ġenerali taqa’ taħt l-edukazzjoni pubblika u t-taħriġ vokazzjonali speċifiku għall-ħaddiema f’idejn l-imsieħba soċjali u l-gvern.

4.7   L-importanza tat-taħriġ professjonali mmirat qed tiġi sottovalutata. Jidher li dan it-taħriġ ħafna drabi jkun limitat biss għall-ħaddiema relattivament żgħażagħ u ħaddiema li diġà għandhom kwalifiki relattivament għolja. Fl-UE-27 57,6 % tal-ħaddiema bi kwalifiki ogħla jieħdu sehem fit-taħriġ professjonali, filwaqt li 28,4 % ta’ ħaddiema b’inqas kwalifiki jieħdu sehem f’dan it-taħriġ. Il-pajjiżi bl-ogħla u l-inqas pożizzjoni huma rispettivament l-Isvezja (91 u 57,6 %) u r-Rumanija (14 u 3,9 %) (15). Dan it-taħriġ għandu jkun immirat ukoll lejn nies inqas edukati, nies ikbar fl-età u n-nisa u l-immigranti, sabiex dawn il-gruppi jerġa’ jkollhom prospettiva u jkollhom tama għal post fis-suq tax-xogħol. Waħda mill-miżuri għall-promozzjoni ta’ dan il-kunċett huwa li l-baġits tat-taħriġ jingħataw lill-impjegati individwali li jinsabu fi proporzjon żbilanċjat fil-livell ta’ taħriġ. Il-qgħad jolqot l-iktar lil dawk bl-inqas edukazzjoni u impjegati b’kompetenzi li m’għadhomx jgħoddu li jaħdmu f’setturi tradizzjonali li qed jogħsfru. Mingħajr aktar taħriġ mhux se jkun possibbli li jingħataw l-opportunità jsibu impjieg f’settur ekonomiku modern ieħor. U jekk ma niżgurawx li dawn in-nies jistgħu jerġgħu jidħlu fis-settur tax-xogħol, ma ndumux ma naslu għal nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa fil-livelli kollha tas-suq.

4.8   Mhijiex qed tingħata biżżejjed attenzjoni lill-qagħda tal-ħaddiema mdaħħla fl-età. Filwaqt li f’bosta Stati Membri tal-UE l-età tal-pensjoni għoliet, ħafna nies imdaħħla fl-età qed jitilfu l-pożizzjoni tagħhom fil-post tax-xogħol minħabba li jkunu laħqu l-età tal-pensjoni attwali. Jew għax ma jistgħux ilħaħħqu iktar mal-proċessi tal-produzzjoni, jew għax it-tħaddim tas-servizzi bix-xiftijiet ta’ dik l-età jkun problematiku. Sabiex dawn il-ħaddiema mdaħħla fl-età jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu, hemm bżonn politika tal-persunal iktar sensittiva għall-età. Ħafna minn dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ korsijiet speċifiċi mmirati. Iżda anke hawnhekk, mid-data (16) tal-Eurostat jidher li l-parteċipazzjoni fit-taħriġ professjonali hija hafna iktar baxxa fost il-persuni mdaħħla fl-età milli ż-żgħażagħ. (20,9 % tan-nies bejn il-55 u l-64 sena meta mqabbla ma’ 44,2 % tan-nies bejn il-25 u t-43 sena).

4.9   L-edukazzjoni u t-taħriġ jagħmlu s-sens biss jekk il-programmi jkunu effettivi wkoll u l-impjegati li jsegwu dawn il-programmi fil-fatt jiksbu l-ħiliet li jkollhom bżonn biex jadattaw għal suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr. Dan ifisser li l-edukazzjoni klassika teoretika, li bilkemm tirrifletti l-post tax-xogħol, għandha tiġi kkomplementata b’perjodi ta’ prattika f’kumpaniji. Fil-prattika dan it-taħriġ għadu qed jingħata frekwentement. F’dawn l-aħħar snin, f’diversi Stati Membri qed jingħata taħriġ ġdid, effettiv u mmirat lejn il-prattika fuq il-post tax-xogħol. Cedefop, dan l-aħħar wettaq stħarriġ dwar l-effett tat-tagħlim fuq il-post tax-xogħol (17). L-espansjoni u l-għoti tal-inċentivi ta’ dan it-tip ta’ taħriġ huma ferm rakkomandabbli.

4.10   Il-ħaddiema ma jitgħallmux biss permezz ta’ taħriġ formali, iżda huma u jaqdu l-funzjoni tagħhom jiksbu għarfien u esperjenza utli. Il-kompetenzi li jinkisbu b’dan il-mod mhumiex rikonoxxuti biżżejjed għax ma jiġux ċertifikati u b’hekk ma tingħata l-ebda diploma formali u rikonoxxuta. Dan ixekkel il-mobbiltà tal-ħaddiema. Sakemm jibqgħu fl-istess impjieg m’hemmx problema, iżda jkunu limitati fl-opportunitajiet li jibdlu l-impjieg għax ma jkunux jistgħu jużaw il-ħiliet tagħhom biex jiksbu impjieg ġdid. Qed isir dejjem iktar stħarriġ dwar il-possibbiltajiet tas-sistema tal-EVC, fosthom mill-OECD (18) u Cedefop (19). Fil-maġġoranza tal-Istati Membri qed titħaddem sistema biex ir-riżultati tat-tagħlim informali u mhux formali jiġu valutati u rikonoxxuti iżda kien biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri li dan wassal għal riżultati konkreti (20). Din l-inizjattiva jistħoqqilha r-rikonoxximent u l-appoġġ.

4.11   Fuq l-inizjattiva tad-DĠ għall-Edukazzjoni u l-Kultura ġew zviluppati għadd ta’ strumenti għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-avvanz tat-tagħlim tul il-ħajja fil-livell Ewropew (21). Dawn l-istrumenti issa jinsabu stabbiliti fil-partijiet kollha tal-qasam edukattiv biex jissaħħu l-mobbiltà u d-disponibbiltà ta’ studenti fl-Ewropa. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-istrumenti u jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga kif dawn l-istrumenti jistgħu jinħolqu wkoll biex jissaħħu l-mobbiltà u d-disponibbiltà tal-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea.

4.12   Min iħaddem u jinvesti fil-ħaddiema tiegħu billi jorganizza laqgħat għat-taħriġ matul il-ħin tax-xogħol u jħallas l-ispejjeż kollha relatati jista’ jitlob lill-ħaddiema jistudjaw matul il-ħin privat jekk ikun hemm bżonn studju barra l-laqgħat tat-taħriġ. Programm ta’ taħriġ li ma jiffukax biss fuq biċċa xogħol speċifika iżda li jipprovdi lin-nies bil-ħiliet biex jaħdmu b’mod aktar flessibbli fil-kumpanija jew xogħlijiet oħra fis-suq tax-xogħol huwa l-aħjar tħejjija għal ġejjieni f’dinja li qed tinbidel malajr. Programm ta’ dan it-tip joffri aspetti pożittivi kemm għall-impjegati kif ukoll għall-ħaddiema. Min iħaddem jakkwista ħaddiema impenjati u tas-sengħa u l-ħaddiema jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Dan il-proċess jeħtieġ li jingħata spinta ġdida urġenti, peress li, skont ċifri riċenti, il-proċess tat-tagħlim tul il-ħajja ilu jistaġna għal bosta snin (22).

5.   Kif jista’ jinkiseb dan?

5.1   In-negozji jeħtieġu ċ-ċertezza jekk iridu jagħmlu investimenti fuq tul ta’ żmien, pereżempju fi żviluppi ġodda. Fil-Ġermanja it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli ġew żviluppati aktar malajr milli fil-bqija tal-Ewropa għax il-gvern Ġermaniż stabbilixxa programm ta’ appoġġ multiannwali li ta ċ-ċertezza lin-negozji tas-settur li dan l-iżvilupp strutturali se jkun appoġġjat u ssussidjat mill-gvern tul għadd ta’ snin. Il-konsegwenza ta’ din il-politika hija li l-Ġermanja hija pajjiż mudell f’dan il-kamp u li l-impjiegi f’dan is-settur f’perjodu ta’ għaxar snin żdiedu minn taħt is-70 000 għal kważi 300 000.

5.2   Mhumiex biss in-negozji li għandhom bżonn iċ-ċertezza: il-ħaddiema jeħtieġu ċ-ċertezza tad-dħul finanzjarju, tas-sigurtà soċjali u tat-taħriġ. Dawn il-prinċipji jirrappreżentaw il-valuri ċentrali tal-Mudell Soċjali Ewropew l-istess bħalma t-Tieni Gwerra Dinjija fformat l-Ewropa. Ħaddiema li jkunu mħarrġa tajjeb ikollhom is-sigurtà tad-dħul finanzjarju għax bil-kwalifiki tagħhom ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol u għas-sigurtà ta’ xogħol deċenti. Il-ħaddiema qiegħda mingħajr ma għandhom tort jeħtieġu sigurtà soċjali biex ikunu jistgħu jibdew it-taħriġ, biex jitħarrġu mill-ġdid jew biex jieħdu aktar taħriġ. Fl-aħħar nett, il-ħaddiema għandhom bżonn iċ-ċertezza li jkollhom aċċess għall-programmi ta’ taħriġ li ser jagħtuhom l-opportunità jilħqu l-ambizzjonijiet personali tagħhom f’termini ta’ xogħol u dħul finanzjarju. L-uniku mod kif il-Mudell Soċjali Ewropew jista’ jinżamm f’suq globali huwa b’forza tax-xogħol disponibbli li tkun motivata, kwalifikata, responsabbli u flessibbli. Il-prezz li jrid jitħallas għal dan huwa li l-forza tax-xogħol trid tingħata s-sigurtà rigward il-valuri ċentrali tal-Mudell Soċjali Ewropew.

5.3   Madankollu, l-impjegati mhux ser ikunu jeħtieġu t-tliet tipi ta’ sigurtà fl-istess ħin. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż, eventwalment, dejjem iħallsu għalihom infushom. Meta jkun hemm qbil aħjar bejn l-offerta u l-provvista fis-suq tax-xogħol, minħabba programmi għat-taħriġ, jew it-taħriġ mill-ġdid tal-persuni qiegħda, ikun hemm inqas qgħad fit-tul.

5.4   Il-flessigurtà, meta tkun miftiehma bejn l-imsieħba soċjali, tista’ tkun għodda importanti fil-parti tas-suq tax-xogħol fejn id-domanda għax-xogħol flessibbli tkun loġika, ċara u ġusta (23). Il-forom ta’ xogħol ġodda jista’ jkollhom iżjed ċans ta’ suċċess meta l-imsieħba soċjali jiftiehmu b’mod kollettiv. U dan jista’ jseħħ biss fi klima msejsa fuq il-fiduċja. Mhumiex biss l-intrapriżi li jeħtieġu s-sigurtà iżda l-impjegati wkoll. Illum il-ġurnata mhux kulħadd ifittex impjieg għal ħajjithom. Li jixtiequ l-ħaddiema hija s-sigurtà li matul il-perijodu li fih jistgħu jaħdmu, jkollhom ix-xogħol. Mhux fil-forma ta’ xogħol temporanju u prekarju iżda b’iktar sigurtà bħal kif issemma fil-punt 5.2. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-flessibbiltà, mhux billi l-impjegati jkunu flessibbli barra l-erba’ ħitan tan-negozju - kif iridu wħud min-negozji nfushom - iżda billi jużaw b’mod flessibbli l-persunal permanenti fin-negozju nnifsu. F’Lulju 2010, il-Kunsill tal-Ministri tax-Xogħol iddiskuta din l-alternattiva fost affarijiet oħra. Din il-forma ta’ flessigurtà taqbel aktar mal-ekonomija tal-għarfien li l-UE qed taspira li tkun. Il-ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali huma l-aħjar metodu biex tinkiseb il-flessibbiltà.

5.5   Madankollu, f’perijodi ta’ ħafna xogħol l-intrapriżi dejjem ikollhom bżonn ħaddiema temporanji. Barra minn hekk dan il-mudell ta’ flessibbiltà interna huwa inqas adatt għall-SMEs. L-SMEs huma importanti għall-ekonomija Ewropea: il-biċċa l-kbira tal-impjiegi hemm jinsabu. Għalhekk irid jinstab metodu effettiv li jnaqqas id-differenzi bejn l-impjegati b’impjieg stabbli, ħarsien soċjali tajjeb u pożizzjoni b’saħħitha għad-drittijiet u l-impjegati b’kuntratt temporanju, ħarsien soċjali mill-inqas u pożizzjoni prekarja rigward id-drittijiet. Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema wkoll għandu jkollhom dritt garantit għal affarijiet bħall-ħlas meta jkun morda, it-tfaddil għall-pensjoni, id-dħul meta jkunu qiegħda, il-btala mħallsa u l-leave tal-ġenituri. Pereżempju, taħt ċerti kundizzjonijiet u b’tariffi affordabbli jistgħu jingħataw aċċess għall-arranġamenti li jkunu saru fil-livell settorjali bi ftehim kollettiv jew li jkunu stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Dan huwa l-każ fl-Awstrija, fejn implimentaw sistema ta’ dan it-tip. Anke hawnekk hemm lok għal responsabbiltà konġunta għall-imsieħba soċjali u l-gvern.

5.6   Il-Ġestjoni tal-Persunal għandha wkoll rwol doppju importanti fil-futur. L-ewwel nett għandha rwol importanti fit-tfassil tal-kontenut tal-programmi tat-taħriġ biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jżommu l-kwalifiki professjonali aġġornati. Iżda hemm ukoll il-kompitu importanti li terġa’ tinbena l-fiduċja mħassra bejn l-imsieħba soċjali sabiex flimkien ikunu jistgħu jfittxu soluzzjonijiet għall-problemi tas-suq tax-xogħol. Jekk il-partijiet involuti jirnexxilhom isibu soluzzjonijiet ibbażati fuq din il-fiduċja mġedda, dan jista’ jwassal għal suq tax-xogħol fejn min iħaddem jingħata l-flessibbiltà li jeħtieġ u l-ħaddiema jkollhom is-sigurtà li jkollhom bżonn.

5.6.1   Din il-politika mtejba tar-riżorsi umani hija s-soluzzjoni kemm biex tinkiseb fiduċja ġdida bejn l-imsieħba soċjali kif ukoll għal approċċ sostenibbli ġdid lejn is-suq tax-xogħol. Hija għandha tissejjes b’mod partikolari fuq dawn il-prinċipji:

l-antiċipazzjoni tal-iżvilupp ta’ impjiegi u postijiet tax-xogħol u li jiġi żgurat li mhumiex ibsin wisq;

inċentivi għall-ħaddiema biex jassumu riskji u responsabbiltajiet sabiex tissaħħaħ il-prestazzjoni ta’ individwi u gruppi;

ir-reviżjoni ta’ ċerti strutturi inizjali ta’ taħriġ (preparatorju), li ma jaqblux jew ftit li xejn jaqblu mar-rekwiżiti tas-swieq tax-xogħol lokali;

it-titjib tal-opportunitajiet ta’ gwida dwar il-karriera għaż-żgħażagħ, b’iktar parteċipazzjoni minn nies li jaħdmu fis-settur rilevanti jew li huma esperti fih;

attenzjoni speċjali għall-għarfien prattiku lokali u fuq il-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni u l-prodotti reġjonali li minħabba r-rarità għandhom status ta’ wirt storiku.

5.6.2   L-għan ta’ suq tax-xogħol aktar f’saħħtu u stabbli jeħtieġ jifforma parti minn strateġija usa’ fejn anke atturi oħra jkollhom rwol, bħas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-professjonijiet liberi.

5.7   Minkejja li d-direzzjoni għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol ġeneralment tingħata minn Brussell, din tista’ tiġi implimentata biss fl-Istati Membri. L-iktar livell adatt huwa dak tar-reġjuni. Biex tinkiseb ekonomija tal-għarfien, huma r-reġjuni li jridu jiżviluppaw u jżommu popolazzjoni tax-xogħol kreattiva. L-UE tista’ tħeġġeġ żvilupp ta’ dan it-tip b’appoġġ finanzjarju mill-fondi strutturali Ewropej u billi tiġbor eżempji tajba u tagħmilhom disponibbli f’forma ta’ bażi tad-data. Xi wħud minn dawn l-eżempji tajba nġabru mill-membri tas-CCMI u jinsabu mehmużin f-anness (24). Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tifrex dawn l-eżempji u tirrakkomandahom lill-istituzzjonijiet rilevanti kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri.

5.8   Fl-Ewropa nsibu bosta eżempji ta’ reġjuni b’passat industrijali rikk fejn l-industrija tradizzjonali u għaldaqstant il-bażi tal-impjiegi reġjonali u l-prosperità sparixxew kważi kompletament fi żmien qasir, bħaż-żona madwar Lille fit-Tramuntana ta’ Franza u r-reġjun tar-Ruhr fil-Ġermanja. Minflok ma ppruvaw iżommu mal-passat tagħhom, il-partijiet ikkonċernati f’dawn ir-reġjuni taw ħarsa lejn l-alternattivi tagħhom għall-ġejjieni u ħadu passi biex iwettquhom. B’riżultat ta’ dan kemm f’Lille kif ukoll fir-reġjun tar-Ruhr il-prospettiva mingħajr tama ddawret f’suċċess ibbażat fuq attivitajiet ekonomiċi ġodda, sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien. Huwa hawnhekk li nsibu s-saħħa tal-ekonomija Ewropea: dawn is-setturi għandhom l-aħjar prospetti u l-Ewropa għandha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fihom. Kemm Lille kif ukoll ir-reġjun tar-Ruhr saru Bliet Kapitali tal-Kultura tal-Ewropa. F’dan il-livell, il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali għandhom jiffurmaw inizjattivi li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għall-mudell soċjali Ewropew bħalma fisser il-KESE f’Opinjonijiet preċedenti (25).

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  EQF, ECVET, Europass, EQAF

(2)  Changes over time – first findings from the fifth European Working conditions survey.

(3)  Definizzjoni ta’ xogħol prekarju: xogħol b’kuntratt temporanju li fi kwalunkwe mument jista’ jiġi kkanċellat min-naħa ta’ min iħaddem biss mingħajr l-ebda obbligu ta’ raġuni.

(4)  Growing unequal? Income distribution and poverty in OECD countries.

(5)  Ill Fares the Land: A Treatise on Our Present Discontent (2010).

(6)  www.finfacts.ie/irishfinancenews/article_1020265.shtml

(7)  The Spirit Level: Why more equal societies almost always do better (2009).

(8)  Fajl interistituzzjonali 2010/0115.

(9)  P7_TA(2010)0299.

(10)  CESE ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70 u ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi” (ĠU C 107, 6.4.2011, p. 77).

(11)  1 2009/2220(INI).

(12)  Key challenges facing European labour markets: a joint analysis of European social partners (L-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej: analiżi konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej)

(13)  Framework agreement on inclusive labour markets (Ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi).

(14)  OECD Employment Outlook 2010 – moving beyond the jobs crisis.

(15)  Stħarriġ tal-Edukazzjoni Adulta tal-Eurostat

(16)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(17)  http://www.cedefop.europa.eu/successtories on workplace learning

(18)  http://www.oecd.org/dataoecd/9/16/41851819.pdf

(19)  http://www.cedefop.europa.eu/EN/publications/5059.aspx

(20)  Pereżempju, Franza tirrikonoxxi ċ-Ċertifikat ta’ ħiliet (CCE) u l-Pajjiżi l-Baxxi jirrikonoxxu ċ-Ċertifikat tal-esperjenza.

(21)  EQF, ECVET, Europass, EQAF

(22)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&language=en&pcode=tsiem080&tableSelection=1&footnotes=yes&labeling=labels&plugin=1

(23)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 1-5).

(24)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/handout.doc.

(25)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/08

Relatur: is-Sur SOARES

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'mod unanimu.

1.   Rakkomandazzjonijiet

L-Istati Membri huma mħeġġin:

jiżguraw li l-miżuri maħsuba biex jindirizzaw il-kriżi ekonomika u l-kriżi tad-dejn sovran ma jikkompromettux l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

jiffokaw b'mod partikolari fuq l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ vokazzjonali meta jkunu qed jikkunsidraw il-miri baġitarji tagħhom għal perjodu medju ta’ żmien, bil-għan li jiżguraw il-kontinwità u t-tkabbir tal-investiment f'dawn is-setturi;

jenfasizzaw il-ħtieġa li jittejjeb it-tagħlim tal-lingwi materni tat-tfal tal-iskola u li jiġu mgħallma s-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika);

itejbu l-gwida minn kmieni għall-istudji u l-karriera, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

jippromovu l-intraprenditorija fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

isaħħu l-implimentazzjoni effettiva tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-iżvilupp tal-Iskemi Nazzjonali tal-Kwalifiki;

joħolqu opportunitajiet addizzjonali ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-kompetenzi diġitali;

jirrispettaw id-dritt tan-nies li jkollhom taħriġ relatat max-xogħol ċertifikat u ta’ kwalità għolja, irrispettivament mill-kwalifiki u t-tip ta’ kuntratt tagħhom;

jiżviluppaw ir-rikonoxximent, il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba f'ambjenti edukattivi differenti (kemm formali kif ukoll mhux formali) matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies;

jużaw il-Fondi Ewropej, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, biex jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ;

jappoġġjaw il-programmi tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jinkoraġġixxu lill-gvernijiet u n-negozji jużaw dawn l-istrumenti biex joħolqu impjiegi stabbli;

itejbu l-professjoni ta’ għalliem, billi jippromovu r-rispett għall-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu tal-għalliema u jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji tal-għalliema.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2008 kkawżat l-agħar kriżi ekonomika mill-1930 'l hawn u l-ikbar tnaqqis fil-PDG globali wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Konsegwentement, l-Ewropa issa għaddejja minn kriżi ekonomika u soċjali kbira, b'eluf ta’ kumpaniji, speċjalment SMEs, li mhux qed jibqgħu fin-negozju, aktar qgħad, tnaqqis fis-salarji, tnaqqis fil-baġit tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, taxxi ogħla fuq il-konsum, prezzijiet ogħla għall-prodotti essenzjali u żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali.

2.2   L-għan ta’ din l-opinjoni mhux li teżamina l-kawżi tal-kriżi, iżda li tenfasizza l-effetti detrimentali li kellha u għad qed ikollha fuq in-nisġa tas-soċjetà, kif ukoll li tissuġġerixxi għadd ta’ strateġiji li għandhom jiġu implimentati sabiex jitnaqqas l-impatt tagħha u jiġu indirizzati l-effetti tagħha.

2.3   L-opinjoni ser tindirizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala għodod ewlenin għall-ġlieda kontra l-kriżi, ir-relazzjonijiet bejn l-edukazzjoni/it-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, l-integrazjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, il-ħtiġijiet u r-responsabbiltà tan-negozji fir-rigward tat-taħriġ tal-impjegati tagħhom u l-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti u ta’ kwalità għolja.

2.4   Barra minn hekk, din l-opinjoni tikkunsidra wkoll li l-preservazzjoni tal-Mudell Soċjali Ewropew titlob li s-soċjetà b'mod ġenerali tagħmel sforz kollettiv u tkun kreattiva u solidali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Fl-analiżi ta’ din il-kwistjoni, dawn l-erba' inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea huma partikolarment importanti:

l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi” (1), li tistabbilixxi l-prijoritajiet li ġejjin sabiex sal-2020 tinkiseb rata ta’ impjieg ta’ 75 % fost dawk li għandhom bejn l-20 u l-64 sena: funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol, forza tax-xogħol b'iktar ħiliet, kwalità aħjar tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u politiki iktar sodi biex jippromovu l-ħolqien tal-impjiegi u d-domanda għax-xogħol (2);

l-inizjattiva “Żgħażagħ Attivi” (3), li hija maħsuba biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ bil-għan li jinkiseb it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea (4);

il-Komunikazzjoni “Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020” (5), li tanalizza l-impatt li l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien iħalli fuq l-individwi, is-soċjetà u l-ekonomiji, tiġbor fil-qosor il-kawżi ta’ dan il-fenomenu u tagħti ħarsa dettaljata lejn il-miżuri li diġà jeżistu u li hemm ippjanati għall-futur f'dan il-qasam.

il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, li hu maħsub biex jiffaċilita l-paraguni bejn is-sistemi edukattivi nazzjonali, u b'hekk jgħin biex jinkisbu aktar mobilità għal finijiet edukattivi u r-rikonoxximent fil-livell Ewropew tal-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet.

Dawn id-dokumenti kollha jappellaw għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Il-KESE jaqbel ma’ din il-viżjoni.

3.1.1   Il-Kumitat jinnota wkoll li l-Kummissjoni qed tippjana li fl-2012 tniedi l-“Panorama ta’ Ħiliet tal-UE”, bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza kemm għal dawk li japplikaw għal impjieg u l-impjegati kif ukoll għan-negozji u/jew l-awtoritajiet pubbliċi. Din il-“panorama” ser tkun disponibbli onlajn u ser tinkludi previżjonijiet aġġornati tal-provvista u d-domanda ta’ ħiliet sal-2020 permezz tan-netwerking tal-korpi nazzjonali li jbassru l-iżviluppi tas-swieq tax-xogħol.

3.1.2   L-importanza tal-kunsilli settorjali Ewropej bħala forum fejn l-imsieħba soċjali jistgħu janalizzaw il-ħiliet tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandha tiġi enfasizzata wkoll bħala mezz ta’ kif jitgħaġġel l-iskambju ta’ informazzjoni u prattika tajba li qabel kienu jingħataw mill-kunsilli jew miċ-ċentri tal-monitoraġġ f'kull pajjiż (6).

3.2   Il-kriżi ekonomika u s-suq tax-xogħol

3.2.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika qed ikollha effett diżastruż fuq is-suq tax-xogħol. Skont l-ILO, fl-2010 kien hemm 250 miljun persuna qiegħda madwar id-dinja, u r-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,7 % għal 6,2 % fl-istess sena. Barra minn hekk, flimkien mal-qgħad, f'ħafna pajjiżi kien hemm ukoll id-deterjorament tal-kwalità tal-impjiegi u t-tnaqqis fis-sigurtà tal-impjiegi.

3.2.2   Skont l-Eurostat, ir-rata tal-qgħad globali f'Jannar 2011 kienet ta’ 9,9 % fiż-żona tal-euro u ta’ 9,5 % fl-UE-27, u dan affettwa 15 775 miljun persuna fiż-żona tal-euro u 23 048 miljun persuna fl-UE-27, li ħames miljuni minnhom huma qiegħda fit-tul.

3.2.3   Bejn tmiem l-2008 u Frar 2011, ir-rata tal-qgħad fl-UE-27 telgħet minn 7,7 % għal 9,5 % (ir-rata tal-qgħad tal-irġiel telgħet minn 6 % għal 9,5 %, dik tan-nisa telgħet minn 7,5 % għal 9,6 %, u dik taż-żgħażagħ telgħet minn 19,7 % għal 20,4 %).

3.2.4   Madankollu, dawn iċ-ċifri ma jurux id-disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri (minn 4,3 % fil-Pajjiżi l-Baxxi għal 20,5 % fi Spanja) u ftit li xejn jipprovdu indikazzjonijiet dwar ċerti gruppi affettwati (bħall-immigranti u l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien).

3.2.5   Il-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-25 sena laħaq l-20,4 % wara li żdied b'biss biss erba' punti perċentwali bejn l-ewwel erba' xhur tal-2008 biss u l-ewwel tliet xhur tal-2009. Barra minn hekk, il-qgħad fit-tul f'dan il-grupp ta’ età żdied bi kważi 30 % mir-rebbiegħa tal-2008 'l hawn; u 1,2 miljun persuna mill-5,2 miljun persuna qiegħda fit-tul huma żgħażagħ.

3.2.6   Il-ħaddiema b'paga baxxa (li ġeneralment ikollhom inqas kwalifiki) jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom darbtejn jew tliet darbiet aktar mill-ħaddiema b'pagi ogħla.

3.2.7   Għal darb'oħra, iż-żgħażagħ huma l-aktar milquta minn din is-sitwazzjoni (għalkemm ġeneralment huma aktar kwalifikati) għaliex iċ-ċans li jkunu qed jaħdmu b'pagi baxxi huwa d-doppju tal-ħaddiema ta’ età medja.

3.2.8   Skont l-Eurostat (7), fl-2007, saħansitra qabel il-kriżi, 79 miljun Ewropew kienu fir-riskju tal-faqar u 32 miljun kienu qed jgħixu taħt il-limitu tal-faqar. Minkejja li l-persuni li għandhom impjieg huma inqas esposti għar-riskju tal-faqar, it-terminu “ħaddiem fqir” jolqot lil mill-inqas 17,5 miljun ħaddiem (8).

3.2.9   L-impjiegi ġodda li jinħolqu huma karatterizzati mit-tnaqqis fis-sigurtà tal-impjiegi, u dan jaffettwa liż-żgħażagħ aktar mill-gruppi l-oħra. Dan għandu għadd ta’ implikazzjonijiet għaż-żgħażagħ stess u għas-soċjetà (bħat-tluq tard minn dar il-ġenituri, id-dipendenza mill-ġenituri, il-posponiment tad-deċiżjoni li jiżżewġu u jkollhom it-tfal) (9). Ta' min jinnota li l-kunċett tas-sigurtà baxxa tal-impjiegi ma jirreferix b'mod speċifiku għall-kuntratti b'terminu fiss, iżda għall-abbuż minn dawn il-kuntratti meta jkun rikonoxxut li r-rekwiżiti tal-forza tax-xogħol ma jinbidlux.

3.2.10   Il-KESE jemmen li l-problemi u l-isfidi ewlenin huma:

a)

id-diskrepanza bejn l-irkupru ekonomiku li għaddej bħalissa, b'differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi, u d-deterjorament attwali fil-qagħda tas-suq tax-xogħol, speċjalment fil-forma ta’ tkabbir mingħajr impjiegi. Il-KESE jissekonda t-twissija li l-ILO għamlet b'rabta ma’ dan fl-aktar rapport reċenti dwar it-tendenzi globali tal-impjieg (10) u fil-konklużjonijiet tal-laqgħa reċenti tagħha bit-titolu “Djalogu dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi fl-Ewropa” (11);

b)

l-iżbilanċi soċjali li ħolqot il-qagħda diffiċli tas-suq tax-xogħol, speċjalment għaż-żgħażagħ (minkejja li jkollhom kwalifiki ogħla mill-ġenerazzjonijiet preċedenti) u għall-persuni qiegħda fit-tul;

ċ)

is-sitwazzjoni demografika fl-Ewropa, b'mod partikolari t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, li jista' jżid in-nuqqas ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol;

d)

it-tibdil fin-natura tal-impjiegi, li qed iseħħ b'rata dejjem aktar mgħaġġla: skont is-CEDEFOP, id-domanda għall-ħaddiema b'ħiliet għoljin tista' tiżdied b'16-il miljun sal-2020 u għall-ħaddiema bi kwalifiki medji bi 3,5 miljun, filwaqt li d-domanda għall-ħaddiema bi kwalifiki baxxi tista' tinżel bi 12-il miljun. Id-differenza bejn il-ħiliet ser tikber, speċjalment fl-oqsma li ġejjin: STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), l-enerġija, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), it-trasport ekoloġiku, l-ambjent u s-saħħa. Id-differenza bejn l-impjiegi li qed jinħolqu u dawk li qed jintilfu qiegħda dejjem tikber, u l-persuni qiegħda qed isibu dejjem aktar diffikultajiet biex jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol.

3.3   Il-kriżi u l-edukazzjoni

3.3.1   L-edukazzjoni hija mezz ta’ żvilupp personali tal-individwu, tal-involviment fix-xogħol produttiv, tal-koeżjoni soċjali u tat-titjib fl-istandards tal-għajxien. Skont l-Eurostat, il-persuni b'livell ta’ edukazzjoni ogħla għandhom stennija tal-għomor itwal.

3.3.2   Il-livelli ta’ edukazzjoni baxxi huma assoċjati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għal din ir-raġuni l-politiki tal-inklużjoni qed ipoġġu enfasi fuq il-garanzija tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi (speċjalment l-edukazzjoni u t-taħriġ).

3.3.3   L-Istrateġija Ewropa 2020 issaħħaħ l-idea li l-edukazzjoni fl-Ewropa għandha titjieb, mil-livell ta’ qabel l-iskola sal-edukazzjoni għolja, sabiex tiżdied il-produttività u jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u l-faqar, fuq il-bażi tal-konvinzjoni li l-Ewropa tista' tirnexxi biss jekk in-nies tagħha jkollhom il-ħiliet li bihom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, li minnha jibbenefikaw huma wkoll.

3.3.4   Il-KESE jaqbel mal-preokkupazzjoni espressa mill-Kummissjoni Ewropea fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li tgħid li l-Ewropa għadha lura fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, u tenfasizza l-fatt li 30 % tal-Ewropej qatt ma użaw l-internet u li n-nefqa tal-UE fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni hija biss ta’ 40 % tal-livelli tal-Istati Uniti. It-tagħlim tal-kompetenzi diġitali sa minn età żgħira jikkontribwixxi għall-inklużjoni.

3.3.5   Il-KESE jinnota wkoll li l-UE tinsab wara l-Istati Uniti u l-Ġappun f'termini ta’ innovazzjoni. Din hi sitwazzjoni li għandha tiġi indirizzata billi jiżdied in-numru ta’ ħaddiema b'ħiliet għoljin, jissaħħaħ l-investiment tal-Istati Membri u tan-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp u jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn ix-xjenza, it-teknoloġija u l-produzzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza li t-terminu “innovazzjoni” jista' jiġi applikat kemm għall-organizzazzjoni tax-xogħol kif ukoll għall-innovazzjoni soċjali.

3.3.6   Iż-żewġ miri ewlenin tal-Kummissjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 huma:

a)

li l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jinżel għal inqas minn 10 %;

b)

li l-proporzjon tal-persuni ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jtemmu l-istudji tagħhom l-università jew f'livell ekwivalenti jiżdied għal 40 %.

3.3.7   Il-KESE, bħall-Kummissjoni, huwa mħasseb dwar il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, li hu fenomenu kumpless b'implikazzjonijiet serji għall-kwalità tal-impjiegi li għalihom jistgħu jaspiraw iż-żgħażagħ u li jista' jiġi indirizzat biss permezz ta’ impenn politiku sod u ta’ metodi ġodda biex tiġi indirizzata l-problema u tittieħed azzjoni.

3.3.8   Skont il-Kummissjoni, fl-2009, aktar minn 6 miljun żagħżugħ u żagħżugħa (14,4 % tal-persuni kollha li għandhom bejn 18 u 24 sena) abbandunaw l-istudji tagħhom (skola jew taħriġ) kmieni, jiġifieri temmew biss l-ewwel ċiklu – jew saħansitra inqas – tal-edukazzjoni sekondarja. Minnhom, 17,4 % temmew biss l-edukazzjoni primarja (12). Dan ifisser li bit-tnaqqis tal-medja ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien b'punt perċentwali wieħed biss, kull sena jinħolqu kważi nofs miljun ħaddiem żagħżugħ kwalifikat li jkunu jistgħu jibdew jaħdmu.

3.3.9   Aspett importanti ieħor li għandu jitqies huwa l-ammont ta’ repetizzjoni ta’ snin akkademiċi. Skont l-istudju ta’ PISA tal-2009, il-persentaġġ ta’ snin akkademiċi ripetuti fl-iskola primarja huwa ta’ 11 % fl-Irlanda, 21 % fi Spanja u jitla' għal 22,4 % fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Portugall. Din it-tendenza tkompli fl-edukazzjoni sekondarja inferjuri, fejn ir-rati tas-snin ripetuti jvarjaw bejn 0,5 % fil-Finlandja u 31,9 % fi Spanja.

3.3.10   Fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka, skont id-data tal-Eurostat tal-2009, il-persentaġġ ta’ gradwati fl-Ewropa kien ta’ 32,3 % biss f'dik is-sena. It-tnaqqis baġitarju li qed isir bħalissa fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi (13) ser ikompli jikkomprometti r-riċerka universitarja, u dan ser ikollu implikazzjonijiet għal ħafna setturi tal-ekonomija u s-soċjetà (teknoloġija, mediċina u x-xjenzi soċjali u umani).

4.   Kummenti speċifiċi: il-proposti tal-KESE

4.1   It-tisħiħ tal-edukazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi

4.1.1   Fi żminijiet ta’ kriżi, ta’ min itenni li l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u ġid pubbliku, li għandu jiġi garantit għal kulħadd b'mod ugwali, mingħajr kundizzjonijiet għal dan u mingħajr l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni filwaqt li titqies ukoll id-dimensjoni tas-sess.

4.1.2   L-investiment fl-edukazzjoni m'għandux jitqies bħala problema li għandha tiġi indirizzata fi żminijiet ta’ kriżi, iżda pjuttost bħala soluzzjoni għall-ħruġ mill-kriżi bl-akbar suċċess possibbli. Għaldaqstant, sabiex l-Istati Membri jiġu inkoraġġuti jinvestu aktar u b'mod aktar konsistenti fl-edukazzjoni, huma għandhom jintalbu jagħtu attenzjoni partikolari lill-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ vokazzjonali meta jkunu qed jikkunsidraw il-miri baġitarji tagħhom għal perjodu medju ta’ żmien.

4.1.3   Huwa daqstant ieħor importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-edukazzjoni hija responsabbiltà kollettiva kondiviża mis-soċjetà b'mod ġenerali. L-iskejjel, bħala istituzzjonijiet speċjalizzati b'persunal professjonali, ma jistgħux u m'għandhomx jaġixxu b'mod iżolat, u għandhom jinteraġixxu l-ewwel u qabel kollox mal-familji, li għandhom rwol kruċjali, u għandhom jistabbilixxu djalogu permanenti wkoll mal-komunità usa' u mal-atturi ekonomiċi u soċjali.

4.1.4   Il-KESE huwa konvint li l-ksib ta’ għarfien bażiku sod jagħmel lit-tfal tal-iskola aktar kapaċi jadattaw ruħhom, u li aktar kemm il-proċess tal-ksib jirnexxi, aktar ikun faċli biex id-deċiżjonijiet dwar il-karriera akkademika u professjonali jittieħdu fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-suq.

4.1.5   B'mod partikolari, l-edukazzjoni għandha:

a)

tgħin lit-tfal tal-iskola jiffiltraw l-informazzjoni li jirċievu, u tgħallimhom kif jużaw l-aħjar mezzi għall-ippjanar tal-ħajja privata u l-karriera futuri tagħhom;

b)

tinkoraġġixxi l-ħsieb kritiku u l-iżvilupp ta’ moħħ inkwiżittiv u intraprenditorjali li jkun kapaċi jieħu l-inizjattiva u jsolvi l-problemi. L-interazzjoni bejn l-iskejjel u n-negozji tista' tkun siewja immens sabiex jinkiseb dan l-għan;

ċ)

issawwab fit-tfal tal-iskola sens ta’ realtà sabiex jifhmu l-isforz meħtieġ għat-tagħlim u jirrikonoxxu l-valur tiegħu. Għandha tikkonvinċi lit-tfal tal-iskola li t-tagħlim huwa siewi u li l-kultura mhix biss xi ħaġa li tiġi kkonsmata, iżda wkoll li tinfiehem u tiġi żviluppata;

d)

tipprovdi edukazzjoni bażika soda, b'mod partikolari rigward il-ħakma tal-lingwi materni u tal-matematika kif ukoll l-għarfien u ħiliet oħra li huma essenzjali biex in-nies jintegraw ruħhom bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol fl-UE kollha, u b'mod partikolari tiżgura li l-lingwi moderni barranin jiġu mgħallma fl-ewwel snin tal-iskola primarja, u fl-istess ħin isir kontribut biex in-nies ikunu aktar miftuħa għat-tagħlim tul il-ħajja;

e)

tiżviluppa kapaċitajiet kreattivi u estetiċi f'kull individwu, u b'hekk jitħeġġeġ spirtu miftuħ għall-kultura u l-innovazzjoni;

f)

fil-qosor, l-għan hu li jiġu fformati individwi ħielsa u solidali li jkunu konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u jkunu kapaċi jagħmlu xogħol deċenti taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli.

4.1.6   Dan jirrikjedi forma aktar komprensiva u rikka ta’ taħriġ inizjali u kontinwu għall-għalliema milli kien il-każ s'issa. Hemm bżonn taħriġ li jliehem lill-għalliema u jgħinhom jadottaw approċċi edukattivi ġodda li jirriflettu l-isfidi li jiffaċċjaw (teknoloġiji ġodda, ħtiġijiet ġodda tas-suq tax-xogħol, ambjent multikulturali b'numru dejjem akbar ta’ tfal tal-iskola minn sfond ta’ immigrazzjoni, eċċ.). L-Istati Membri għandhom jippromovu r-rispett għall-professjoni ta’ għalliem, jiffaċilitaw t-taħriġ kontinwu tal-għalliema u jippruvaw itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji tal-għalliema.

4.1.7   L-edukazzjoni għandha tkopri l-istadji kollha tal-ħajja, mil-livell ta’ qabel l-iskola sal-edukazzjoni għolja u tal-adulti, u f'ambjenti edukattivi differenti – formali, mhux formali u informali. L-Istati Membri għandhom jadattaw l-edukazzjoni għall-isfidi ekonomiċi u soċjali tal-futur: soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien, u ekonomiji produttivi ħafna u b'użu baxx ta’ karbonju.

4.1.8   Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea:

a)

iżżomm l-impenji li ħadet fl-inizjattivi “Żgħażagħ Attivi” u “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” and fil-Komunikazzjoni dwar l-indirizzar tal-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien;

b)

tistudja l-possibbiltà li jintużaw il-fondi Ewropej biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp;

ċ)

tappoġġja l-programmi tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u tinkoraġġixxi lill-gvernijiet u n-negozji jużaw dawn l-istrumenti biex joħolqu impjiegi stabbli;

d)

issaħħaħ, tiżviluppa u tapprofondixxi l-programmi ta’ skambju għall-istudenti f'livelli differenti ta’ tagħlim.

u jirrakkomanda li l-Istati Membri:

a)

isibu soluzzjonijiet biex il-ħruġ mill-kriżi ekonomika, speċjalment il-kriżi tad-dejn sovran, ma jikkompromettix l-investiment pubbliku fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ nazzjonali;

b)

iżommu (u, jekk ikun possibbli, iżidu) l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp;

ċ)

iniedu u jikkoordinaw l-inizjattivi biex itejbu t-tagħlim tas-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika);

d)

jadottaw miżuri biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-professjoni ta’ għalliem, filwaqt li jagħmluha aktar faċli għall-għalliema biex iwettqu dmirijiethom (14);

e)

jistabbilixxu sistemi ta’ gwida għall-istudji u l-karriera sabiex itejbu l-informazzjoni dwar il-ħiliet professjonali meħtieġa għad-dħul fis-suq tax-xogħol u dwar kif jinkisbu;

f)

jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ alternattivi għaż-żgħażagħ li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jew dawk li għandhom impjieg b'ħiliet baxxi;

g)

isolvu l-problema tat-tfal tal-iskola li jirrepetu s-snin akkademiċi billi jipprovdu infrastrutturi ta’ appoġġ għal dawk l-aktar dgħajfa;

h)

jinkoraġġixxu lin-negozji jikkunsidraw l-esperjenza ta’ xogħol taż-żgħażagħ;

i)

jippromovu l-intraprenditorija fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

4.1.9   Il-KESE huwa konxju li fi żminijiet ta’ bidla, in-negozji jitolbu ħiliet speċifiċi mill-ħaddiema tagħhom. Għaldaqstant, is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom joqogħdu aktar attenti għal dawn il-ħtiġijiet u jfasslu l-korsijiet tagħhom b'mod korrispondenti, wara li tkun inkisbet bażi soda.

4.1.10   Is-sistema doppja ta’ edukazzjoni/taħriġ, li fiha ż-żgħażagħ jiġu introdotti għad-dinja tax-xogħol meta jtemmu l-istudji tagħhom, tat riżultati tajbin f'xi pajjiżi Ewropej u, għalhekk, għandha tiġi analizzata.

4.1.11   Il-KESE jaf li l-edukazzjoni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda jemmen li l-Unjoni Ewropea tista' tappoġġja lill-Istati mhux biss billi tħeġġiġhom jilħqu l-għanijiet tal-UE u tuża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex dan jinkiseb, iżda wkoll billi toħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli, pereżempju billi l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ ma jiġux inklużi fil-kalkolu tad-defiċit pubbliku.

4.2   Nagħtu valur lit-tagħlim – mill-iskola għax-xogħol

4.2.1   L-iżviluppi attwali, bħaż-żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali, ir-rivoluzzjoni xjentifika u teknika, it-tibdil fil-klima, it-tkabbir rapidu tal-ekonomiji emerġenti u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, fost affarijiet oħrajn, jirrikjedu forza tax-xogħol b'ħiliet u kwalifiki għoljin.

4.2.2   It-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet fih innifsu mhux biżżejjed biex jittejjeb il-livell ta’ ħiliet, għaliex ħafna żgħażagħ b'ħiliet għoljin bħalissa għandhom impjieg b'ħiliet baxxi. Barra minn hekk, id-diskrepanza bejn l-edukazzjoni li jirċievu n-nies u t-tip ta’ impjiegi li jsibu tista' twassal biex jonqos il-valur tal-ħiliet.

4.2.3   Il-KESE jemmen li t-tweġiba tinsab fl-iżvilupp ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u, għalhekk, jirrikonoxxi l-valur tax-“xogħol deċenti” li tirrakkomanda l-ILO.

4.2.4   Għal dan il-għan, għandu jsir investiment fil-politiki tal-impjieg attiv u tat-taħriġ vokazzjonali, bl-appoġġ tal-fondi Ewropej, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew (15).

4.2.5   Wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li l-ħolqien tal-impjiegi jiddependi minn kemm ikunu dinamiċi n-negozji, u dan jitlob li titnaqqas il-burokrazija żejda relatata mal-attività ekonomika, b'mod partikolari għan-negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu (business start-ups).

4.2.6   F'dan il-qasam, il-KESE jirrakkomanda l-inizjattivi prijoritarji li ġejjin:

4.2.6.1

Il-promozzjoni tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol billi:

a)

jittejbu s-sistemi ta’ gwida għall-istudji u l-karriera, billi tingħata informazzjoni aktar dettaljata dwar it-tendenzi u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, dwar il-ħiliet professjonali rilevanti u dwar kif jinkisbu;

b)

jinħolqu programmi tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol bl-użu ta’ traineeships u apprendistati;

ċ)

jiġu żviluppati programmi speċifiċi għaż-żgħażagħ li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jew li għandhom impjieg b'ħiliet baxxi;

d)

jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda konnessjoni bejn it-tip ta’ kuntratt tal-impjieg (kuntratti indefiniti/b'terminu fiss) u l-età tal-ħaddiem, sabiex il-ħaddiema żgħażagħ ma jiġux penalizzati sempliċement għax huma żgħażagħ.

4.2.6.2

Ir-risposta għall-isfidi tat-tagħlim tul il-ħajja billi:

a)

jiġi żgurat li kulħadd ikun jista' jieħu sehem fit-tagħlim tul il-ħajja, sabiex kulħadd ikun jista' jtejjeb il-ħiliet tiegħu u jikseb aċċess għal impjiegi bi kwalifiki ogħla, u b'hekk tinkiseb il-mira tat-“tkabbir inklużiv” li tinsab fl-Istrateġija Ewropa 2020;

b)

jittejjeb it-taħriġ (taħriġ addizzjonali u taħriġ mill-ġdid) għal kull min diġà għandu xogħol iżda l-ħiliet akkademiċi tiegħu huma baxxi. Dawn l-inizjattivi għandhom iqisu l-età, l-esperjenza u l-għarfien tal-ħaddiema inkwistjoni;

ċ)

jiġi formalizzat id-dritt tal-individwu li jkollu taħriġ ċertifikat ta’ kwalita għolja, filwaqt li jiġi stipulat numru ta’ sigħat ta’ taħriġ fis-sena għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-kwalifiki u t-tip ta’ kuntratt tagħhom;

d)

isir appell biex jitfasslu pjani għall-iżvilupp tal-ħiliet individwali fin-negozji, bl-involviment tal-ħaddiema u min iħaddem, u bil-kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet li jaffettwaw lin-negozji, speċjalment l-SMEs, b'konformità mal-ftehim bejn il-ħaddiema u min iħaddem konkluż fil-livell Ewropew;

e)

jiġu appoġġjati l-inizjattivi maħsuba biex itejbu r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali, jiżguraw il-kwalità ta’ dan it-tip ta’ edukazzjoni u jgħollu l-profil tal-ħiliet miksuba barra mis-sistema edukattiva formali (bħall-Passaport Ewropew tal-Ħiliet);

f)

tiġi stabbilita rabta mill-qrib bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-iżvilupp tal-karriera tal-ħaddiem, filwaqt li jsir investiment fir-rikonoxximent, il-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati għandhom jissorlvejaw il-kwalità tas-servizzi ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni;

g)

isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ taħriġ jiffokaw fuq il-persuni qiegħda bħala l-prijorità tagħhom;

h)

jitfakkar li s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi għandu d-dmir li jaqdi rwol aktar attiv fil-politiki tat-taħriġ għall-gruppi mmirati prijoritarji, bħall-persuni b'inqas ħiliet u kwalifiki jew dawk li għandhom impjieg prekarju, jew l-aktar gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b'diżabbiltà, il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien mingħajr impjieg u l-immigranti;

i)

titqies b'mod xieraq id-dimensjoni tas-sess fis-suq tax-xogħol u jitneħħew l-inguwaljanza u d-diskriminazzjoni, b'mod speċifiku d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u dawk tan-nisa.

4.2.6.3

It-titjib tal-ħiliet u l-użu tal-potenzjal tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien

a)

Il-KESE jixtieq jenfasizza r-riskju konsiderevoli li joħloq il-qgħad fit-tul (it-telf tad-dħul u l-ħiliet kif ukoll l-esklużjoni soċjali) u, għalhekk, jemmen li s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi għandu jaqdi rwol aktar attiv biex jinsabu l-impjiegi għall-persuni qiegħda fit-tul u biex jiġu żviluppati politiki tal-impjieg attiv u tat-taħriġ vokazzjonali;

b)

id-djalogu soċjali dwar setturi speċifiċi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri għandu rwol prinċipali x'jaqdi biex jissolvew il-problemi relatati mal-ħiliet; dan jenfasizza l-importanza tal-kunsilli settorjali tal-ħiliet f'dan il-qasam;

ċ)

f'dan il-kuntest, in-negozjati kollettivi tal-kuntratti għandhom jinżammu u jiġu promossi, għaliex kemm il-ħaddiem kif ukoll in-negozji jibbenefikaw minn livell ogħla ta’ ħiliet;

d)

fi kriżi, huwa leġittimu li l-Fond Soċjali Ewropew ikun mistenni jiffinanzja sew il-miżuri għat-titjib tal-ħiliet u sew il-proġetti innovattivi għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti;

e)

ikun utli wkoll li l-persuni mdaħħla fiż-żmien jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu li jestendu l-ħajja tax-xogħol tagħhom, billi tittejjeb is-saħħa, billi x-xogħol jiġi adattat għan-nies, billi jingħata valur lix-xogħol u billi jittejbu l-ħiliet, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 162 tal-ILO (16);

f)

f'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jintuża l-potenzjal tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien għat-trasmissjoni tal-għarfien lill-oħrajn fuq il-post tax-xogħol, li mbagħad ikun jista' jiġi diskuss mir-rappreżentanti tal-impjegati u ta’ min iħaddem.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 682 finali.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

(3)  COM(2010) 477 finali.

(4)  B'rabta ma’ dan, ara l-opinjoni tal-KESE dwar iż-Żgħażagħ Attivi, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 55.

(5)  COM(2011) 18 finali.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B'liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f'livell Ewropew jista' jikkontribwixxi għal dan il-għan?”, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1.

(7)  Statistics in focus (Statistika fil-qosor), 46/2009.

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Ix-xogħol u l-faqar, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 52.

(9)  Youth in Europe – A statistical portrait 2009 (Iż-żgħażagħ fl-Ewropa – Ħarsa lejn statistika 2009).

(10)  Global Employment Trends (www.ilo.org).

(11)  Dialogue on Growth and Employment in Europe, 13 ta’ Marzu 2011, Vjenna (www.ilo.org).

(12)  Grade Retention during Compulsory Education in Europe: Regulations and Statistics (Ir-repetizzjoni tas-snin akkademiċi matul l-edukazzjoni obbligatorja fl-Ewropa: regolamenti u statistika), EURYDICE, Jannar 2011.

(13)  Il-Latvja, wara t-tnaqqis ta’ 48 % fl-2009, l-universitajiet issa qed jiffaċċjaw tnaqqis ieħor ta’ 18 % fl-2010; l-Italja, it-total tat-tnaqqis fil-baġit ippjanat sal-2013 huwa ta’ 20 %; il-Greċja imponiet tnaqqis totali ta’ 30 %, u l-Ingilterra l-baġit ser jonqos b'madwar 40 % sal-2014/2015.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema, ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41.

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 8.

(16)  R162 Older Workers Recommendation (Rakkomandazzjoni dwar il-Ħaddiema Mdaħħlin fiż-Żmien), 1980, ILO (http://www.ilo.org/ilolex/cgi-lex/convde.pl?R162).


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-reviżjoni tal-politika dwar is-self tal-BEI fis-settur tat-trasport” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 318/09

Relatur ġenerali: is-Sur SIMONS

Nhar il-5 ta’ Mejju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

ir-reviżjoni tal-politika dwar is-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment fis-settur tat-trasport

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni ngħatat struzzjonijiet sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-473 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sur Simons bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'123 vot favur u 3 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Is-settur tat-trasport huwa ferm importanti għall-BEI u viċiversa. Fl-2010, il-BEI sellef EUR 63 biljun, li minnhom EUR 13,2 biljun, jiġifieri 21 %, kienu għas-settur tat-trasport.

1.2   Billi l-Kummissjoni dalwaqt ser toħroġ il-linji gwida ġodda għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), huwa importanti li jintlaħaq ftehim mal-BEI dwar kif l-aħjar jiġu ffinanzjati n-netwerk tal-infrastruttura essenzjali u l-proġetti individwali, fil-kuntest tal-għanijiet ifformulati fil-White Paper li ħarġet fit-28 ta’ Marzu 2011.

1.3   Il-Kumitat jaħseb li l-analiżi mill-ġdid tar-reviżjoni tal-politika dwar is-self tal-BEI lis-settur tat-trasport, ippubblikata fl-2007 mill-BEI, għandha titqies f'dan il-kuntest. Billi l-White Paper issa qed tenfasizza ħafna iktar minn qabel l-isforzi fil-qasam tas-sostenibbiltà, bħat-tnaqqis ta’ mill-inqas 60 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra sal-2050 meta mqabbla mal-1990, dan ifisser li l-kriterju tas-sostenibbiltà ser ikun ħafna iktar importanti għall-proġetti li jridu jiġu ffinanzjati.

1.4   Il-Kumitat jaqbel mal-BEI li meta jingħataw il-faċilitajiet tas-self, l-ewwel prinċipju ewlieni għandu jkun l-isforz għall-iktar mod effiċjenti, ekonomiku u sostenibbli li bih tista' tiġi sodisfatta d-domanda għat-trasport. Dan jeħtieġ taħlita ta’ soluzzjonijiet li tinkludi kull modalità tat-trasport, b'konformità mal-komodalità u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li huma prinċipji ewlenin għall-ktajjen tal-loġistika.

1.5   Il-Kumitat jenfasizza li l-BEI għalhekk għandu jkun newtrali u oġġettiv tkun xi tkun il-modalità ta’ trasport li jiġi ttrattat. L-iktar fil-kuntest ta’ distanzi itwal, hemm bżonn ta’ komodalità effiċjenti u effettiva, li permezz tagħha jiġu sfruttati l-vantaġġi ta’ kull modalità tat-trasport meqjusa.

1.6   Il-Kumitat jaqbel għalkollox mat-tieni prinċipju ewlieni, jiġifieri li jiġu żviluppati t-TEN-T.

1.7   Il-Kumitat jixtieq li t-tielet prinċipju ewlieni li l-BEI japplika fil-linji gwida u l-kriterji tal-għażla, jiġifieri li tingħata prijorità lill-proġetti ferrovjarji, lit-traffiku urban, lin-navigazzjoni interna u lis-settur marittumu, iqis iktar il-ktajjen ta’ loġistika konċernati milli l-mezzi tat-trasport sabiex b'hekk jiġu ġenerati l-ikbar benefiċċji possibbli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra.

1.8   Fir-rigward tal-finanzjament tal-proġetti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-finanzjament ta’ proġetti li jiġġieldu kontra l-emissjonijiet mis-sors jirrappreżenta l-approċċ it-tajjeb.

1.9   Fl-analiżi mill-ġdid tal-linji gwida għall-approvazzjoni tal-faċilitajiet tal-finanzjament, il-Kumitat jaħseb li l-BEI għandu jagħti attenzjoni speċjali biex titqies l-istampa sħiħa tal-ktajjen tal-loġistika, fejn ir-rwol tal-hubs tat-trasport, bħall-portijiet u l-ajruporti u t-terminals multimodali bħala ċentri tal-loġistika, huwa kruċjali.

1.10   F'kuntest mimli tensjoni bejn, minn naħa, l-għan ambizzjuż biex l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta’ serra jonqsu b'60 % sal-2050 u, min-naħa l-oħra, il-kriżi finanzjarja, il-Kumitat huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni għandha wkoll l-isfida biex tiżviluppa forom ta’ finanzjament pubbliku u privat, bħas-sħubijiet pubbliċi-privati, eventwalment b'mod selettiv, kif deskritt fil-punt 4.6.3.

1.11   Għal tweġiba dettaljata għat-tliet mistoqsijiet speċifiċi tal-BEI, il-Kumitat jagħmel referenza għall-għadd kbir ta’ opinjonijiet li ħejja u li huma miġbura fil-punt 4.7 u fil-puni sussegwenti.

2.   Daħla

2.1   Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-istess bħall-KESE, inħoloq fl-1958 bit-Trattat KEE ta’ Ruma, bħala korp tal-Unjoni Ewropea u jiffinanzja proġetti li bihom jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-BEI jissellef flus bl-irħis u min-naħa tiegħu jsellef lill-banek u l-kumpaniji.

2.2   Il-BEI għandu l-hekk imsejħa “Triple-A rating”, li biha l-BEI jista' jissellef b'rati ta’ interess baxxi mis-swieq kapitali. Għalhekk, min-naħa tiegħu l-BEI jkun jista jsellef b'kundizzjonijiet favorevoli b'diversi modi:

isellef il-flus direttament lil kumpaniji jew korpi oħra biex jikkofinanzja proġetti kbar (li jkunu jeħtieġu iktar minn EUR 25 miljun);

isellef lill-banek u lil entitajiet oħra li jagħtu l-kreditu li min-naħa tagħhom isellfu għal proġetti iżgħar, b'enfasi fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju

jagħti l-garanziji għas-self, b'tali mod li min isellef ma jkollu l-ebda riskju.

2.3   Għall-implimentazzjoni tal-proġetti u l-monitoraġġ tal-mezzi finanzjarji limitati, il-BEI stabbilixxa rabtiet ta’ kooperazzjoni intensivi mal-banek internazzjonali u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.

2.4   Peress li hemm interdipendenza b'saħħitha, l-istituzzjonijiet tal-UE b'mod regolari jistiednu lill-BEI biex jiddiskuti u jarmonizza l-politika. B'hekk, il-BEI jiġi involut fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri u jieħu sehem fil-ħidma ta’ ċerti kumitati tal-Parlament Ewropew. Barra dan hemm ukoll konsultazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni Ewropea.

2.5   L-azzjonisti tal-BEI huma l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dawn jissottoskrivu flimkien il-kapital tal-bank, skont tqassim li jirrifletti l-piż ekonomiku fl-Unjoni.

2.6   Fl-2010, il-BEI b'kollox sellef is-somma ta’ EUR 63 biljun, li minnhom 21 % (EUR 13,2 biljuni) issellfu lis-settur tat-trasport. Fil-perjodu 2006-2010, is-self mill-Bank lis-settur tat-trasport kien jirrappreżenta 23,7 % tat-total. Apparti l-Istati Membri, il-BEI huwa l-ikbar finanzjatur tal-proġetti tat-TEN-T.

2.7   Fl-2007, il-BEI ppubblika dokument dwar ir-reviżjoni tal-politika dwar is-self lis-settur tat-trasport, fejn ġew ippubblikati l-linji gwida u l-kriterji tal-għażla biex jitqies iktar it-tħassib dwar il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u fl-istess ħin tiġi indirizzata ż-żieda fil-bżonnijiet tal-mobbiltà. Barra minn hekk, deher li kien hemm bżonn li ssir reviżjoni regolari tal-politika dwar is-self fis-settur tat-trasport, fid-dawl tan-natura dinamika tal-iżvilupp tal-politika.

2.8   Billi fit-28 ta’ Marzu 2011 il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper u dalwaqt ser toħroġ il-linji gwida riveduti għall-proġetti tat-TEN-T, huwa importanti li l-politika tal-BEI dwar is-self lis-settur tat-trasport terġa' tiġi analizzata.

2.9   Il-BEI diġà indika l-istess ħaġa u nieda konsultazzjoni pubblika. Għalhekk, minbarra l-prinċipji ewlenin attwali, huwa interessat b'mod partikolari fit-tliet kwistjonijiet li ġejjin.

2.9.1

Il-bank kif jista' jikkontribwixxi iktar għat-“tkabbir iktar intelliġenti” permezz tal-għarfien u l-innovazzjoni? Huwa interessat b'mod partikolari fl-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda fuq it-trasport.

2.9.2

Il-bank kif jista' jikkontribwixxi iktar għat-“tkabbir sostenibbli” u għal ekonomija iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva? Hawnhekk huwa qed jirreferi b'mod partikolari għat-titjib tal-mobbiltà sostenibbli, għat-tnaqqis fil-konġestjoni u t-tniġġis filwaqt li jippromovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

2.9.3

Il-bank kif jista' jikkontribwixxi iktar għat-“tkabbir inklużiv (li jinkludi lil kulħadd)” b'attenzjoni lill-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u territorjali? B'referenza għall-konġestjoni, l-infrastruttura transkonfinali, in-nodi intermodali u l-iżvilupp urban, periferali u reġjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-armonizzazzjoni f'waqtha u regolari bejn il-korpi politiċi u dawk konsultattivi tal-UE u l-BEI hija utli u meħtieġa u għalhekk bi pjaċir jilqa' it-talba tal-BEI li jitlob lill-KESE jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar ir-reviżjoni tal-politika ta’ finanzjament għas-settur tat-trasport.

3.2   Kif indikat fil-konklużjonijiet tal-White Paper, il-politika tat-trasport għandha ssaħħaħ il-kompetittività tat-trasport u fl-istess ħin tindirizza l-għan tas-settur tat-trasport biex sal-2050 jilħaq tnaqqis ta’ mill-inqas 60 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra meta mqabbla mal-1990. Għall-2030, l-għan huwa li l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra jonqsu b'20 % meta mqabbla mal-livell tal-2008. Fil-fehma tal-Kumitat dan ifisser li jridu jsiru sforzi konsiderevoli biex jintlaħqu dawn il-miri u li fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli għandu jitfittex finanzjament ta’ proġetti promettenti ħafna fil-qasam tas-“sostenibbiltà”. Dan is-suġġett qed jiġi eżaminat iktar bir-reqqa mill-Grupp ta’ Studju TEN/454, dwar il-White Paper intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”.

3.3   B'mod ġenerali, il-Kumitat iqis li l-linji gwida attwali (2007) li l-BEI japplika għall-faċilitajiet tas-self fil-qasam tat-trasport huma ġusti; l-ewwel prinċipju ewlieni huwa li jsir sforz għall-iktar mod effiċjenti, ekonomiku u sostenibbli li bih tista' tiġi sodisfatta d-domanda għat-trasport. Dan jeħtieġ taħlita ta’ soluzzjonijiet li tikkonċerna lill-modalitajiet kollha tat-trasport. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dan jaqbel ukoll mal-prinċipju tal-komodalità approvata minnu, li kemm issa u kemm fil-futur ser jibqa' l-punt tat-tluq għall-ktajjen ta’ loġistika u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni billi “b'mod partikulari fil-modi tat-trasport, tinħoloq sistema oġġettiva, universalment applikabbli, trasparenti u li tinftiehem” (1).

3.4   Madankollu, f'għajnejn il-Kumitat jista' jkun ġustifikat li tiġi ffinanzjata modalità waħda biss, għax jirriżulta li tkun l-iktar waħda ekononomika, sostenibbli, sigura u soċjali f'katina loġistika partikolari.

3.5   Fil-fehma tal-Kumitat il-BEI għandu jkompli jkun newtrali u oġġettiv tkun xi tkun il-modalità ta’ trasport. Kif indikat fil-White Paper, fil-kuntest ta’ distanzi itwal, hemm bżonn ta’ komodalità effiċjenti u effettiva, li permezz tagħha jiġu sfruttati l-vantaġġi ta’ kull modalità tat-trasport.

3.6   Skont il-Kummissjoni, għal distanzi itwal hemm bżonn ta’ kurituri tal-merkanzija żviluppati apposta, li jottimizzaw it-trasport f'termini ta’ konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet, li permezz tagħhom it-tniġġis ambjentali jiġi minimizzat kemm jista' jkun iżda fl-istess ħin huma attraenti minħabba li huma affidabbli, għandhom konġestjoni limitata u spejjeż operattivi u amministrattivi baxxi. Il-Kumitat japprova dan, iżda jixtieq li l-istess ħaġa ssir għal kurituri simili għat-trasport tal-passiġġieri.

3.7   It-tieni prinċipju ewlieni li fuqu l-BEI jibbaża l-għażliet tiegħu biex jipprovdi s-self huwa l-iżvilupp tat-TEN. Dan ifisser l-investiment fit-tul li huwa ferm importanti biex tinkiseb sistema tat-trasport effiċjenti fl-UE. Il-Kumitat jattribwixxi importanza kbira wkoll lill-ħolqien u l-modernizzar tan-netwerk tat-TEN-T.

3.8   It-tielet prinċipju ewlieni għall-BEI huwa li għandha tingħata prijorità lill-proġetti li jikkonċernaw lill-ferroviji, it-traffiku urban, in-navigazzjoni interna u s-settur marittimu, minħabba l-fatt li l-investiment fil-proġetti f'dawn l-oqsma jiġġeneraw l-ikbar benefiċċji fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra għal kull unità ta’ trasport. Il-Kumitat jenfasizza li mhux il-mezz tat-trasport innifsu iżda pjuttost il-ktajjen tal-loġistika konċernati li għandhom iservu ta’ xprun fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-fatt li jitqies biss il-mezz ta’ trasport mhuwiex konformi mal-idea tal-komodalità, jiġifieri li jissaħħu l-modi kollha tat-trasport sabiex tinkiseb kooperazzjoni bejn id-diversi modi fil-ktajjen ta’ loġistika, l-iktar fuq distanzi twal.

3.9   Fir-rigward tal-attenzjoni li l-BEI jagħti lill-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u r-riżorsi li jingħataw lil dawn tal-aħħar bi ftehim mal-produtturi tal-vetturi, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-approċċ it-tajjeb jinsab fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet fis-sors, fejn tingħata attenzjoni wkoll lill-aspetti ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-aspetti tas-sigurtà.

3.10   Żviluppi bħat-tixjiħ tal-poplu Ewropew, iż-żieda fl-iskarsezza tal-karburanti fossili; il-livell ta’ urbanizzazzjoni dejjem jiżdied; it-tibdil fil-klima u l-globalizzazzjoni li qed tiżdied, qed iwasslu għal bżonn kbir ta’ riżorsi finanzjarji. Fil-fehma tal-Kumitat, il-BEI għandu raġun jirrakkomanda t-tħejjija ta’ strateġija ta’ finanzjament koerenti fejn il-forom ta’ finanzjament mis-settur pubbliku u privat jikkomplementaw lil xulxin. Barra minn hekk, kull modalità tat-trasport għandha tinternalizza l-ispejjeż esterni, sabiex jiġi rispettat il-prinċipju li min iniġġes iħallas. Naturalment, dan għandu jsir bl-investiment mill-ġdid tal-qligħ fil-ġlieda kontra l-ispejjeż esterni, li għandha tkun l-għan aħħari tal-internalizzazzjoni (2).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Kumitat jitlob li tingħata iktar attenzjoni mhux biss lin-netwerks iżda wkoll lir-rwol kruċjali li jaqdu l-punti ta’ konnessjoni, bħall-portijiet, l-ajruporti u t-terminals multimodali bħala ċentri ta’ loġistika li jeħtieġu konnessjonijiet effiċjenti maż-żoni interni tal-pajjiż. Huwa jappoġġja l-fehma tal-BEI, ikkonfermata anke fil-White Paper, li approċċ komodali effiċjenti u awtentiku ser jagħti l-ikbar kontribut fit-tnaqqis tat-telf tal-enerġija u l-emissjonijiet.

4.2   Fir-rigward tal-kriterji tal-finanzjament tal-infrastruttura tat-TEN, apparti l-ottimizzazzjoni tal-fluss tat-trasport, għandha ssir iktar enfasi fuq il-ksib tar-riżultati fil-qasam tal-konsum tal-enerġija u l-produzzjoni tal-emissjonijiet, fejn għandha ssir l-estensjoni tan-netwerk tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien tal-UE.

4.3   Fl-iżvilupp ta’ qafas ġdid għall-finanzjament tal-infrastruttura l-ikkompletar tan-netwerk tat-TEN-T għandu jsir prijorità, fejn għandhom jiġu kkunsidrati l-istrateġiji ta’ investiment kemm tal-programmi tat-TEN-T kif ukoll tal-fondi ta’ koeżjoni u dawk strutturali. Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex flus il-Komunità jiġu applikati bl-aħjar mod, jeħtieġ li ssir koordinazzjoni aħjar bejn il-fondi ta’ koeżjoni, il-fondi strutturali u l-fondi ta’ investiment għas-settur tat-trasport.

4.4   Fil-White Paper ippubblikata fit-28 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni tistima li l-ispejjeż meħtieġa għall-investiment fl-infrastruttura biex tiġi indirizzata d-domanda għat-trasport, bejn l-2010 u l-2030, ser jogħlew għal EUR 1,5 triljun. L-implimentazzjoni tan-netwerk TEN-T ser teħtieġ madwar EUR 550 biljun sal-2020, li minnhom EUR 215-il biljun għandhom jiġu allokati għat-tneħħija tal-iktar punti ta’ konġestjoni importanti fl-infrastruttura.

4.5   Fil-qasam teknoloġiku, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni l-iktar lill-finanzjament tal-proġetti li jnaqqsu l-emissjonijiet mis-sors ta’ sustanzi dannużi permezz ta’ investiment immirat fir-riċerka u l-iżvilupp. Dan għandu jgħodd ukoll għar-riċerka ta’ forom alternattivi ta’ karburanti biex jissostitwixxu l-karburanti fossili.

4.6   Il-Kumitat huwa konxju li teżisti tensjoni bejn, minn naħa, l-għan ambizzjuż, kif propost fil-White Paper, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra b'60 % sal-2050 u l-isforzi finanzjarji kbar neċessarji għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, il-kriżi finanzjarja li teħtieġ politika finanzjarja prudenti.

4.6.1   Iżda l-Kumitat huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni toffri wkoll possibbiltà għal allokazzjoni aħjar tar-riżorsi finanzjarji disponibbli u fl-istess waqt toħloq sfida biex jiġu żviluppati forom oħra ta’ finanzjament pubbliku u privat.

4.6.2   Għalhekk wieħed jista' jaħseb f'parteċipazzjoni fit-tħejjija ta’ strumenti finanzjarji ġodda għas-settur tat-trasport, fejn investituri bħall-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu jaqdu rwol.

4.6.3   Għalhekk, il-KESE jemmen li għandu jsir użu tajjeb u selettiv mis-sħubijiet pubbliċi-privati għall-finanzjament tat-TEN-T, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li mhux l-Istati Membri kollha għandhom l-istess esperjenza bis-sħubijiet pubbliċi-privati, u li l-użu tal-istrumenti finanzjarji tal-UE (bħall-fondi strutturali u l-fondi ta’ koeżjoni, TEN-T, BEI) għandu jsir fil-kuntest ta’ strateġija ta’ finanzjament koerenti li tgħaqqad flimkien ir-riżorsi Ewropej, nazzjonali, pubbliċi u privati. Biex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw għażla ħielsa dwar jekk jipparteċipawx jew le fis-sħubijiet, il-KESE jirreferi għall-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li d-definizzjoni tas-sħubijiet pubbliċi-privati fil-proċeduri tal-Eurostat dwar id-dejn tal-Istat (3) għandha tiġi emendata.

4.7   Rigward il-mistoqsijiet speċifiċi tal-BEI (ara l-punt 2.9 u sussegwenti), il-Kumitat bi pjaċir jirreferi għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, li aktar 'il quddiem f'din l-opinjoni hemm ir-referenzi kif ukoll il-punti l-iktar rilevanti.

4.7.1   Fir-rigward tal-ewwel mistoqsija: “il-kontribut għat-tkabbir iktar intelliġenti permezz tal-għarfien u l-innovazzjoni u l-influwenza tat-teknoloġiji l-ġodda fuq it-trasport”, għandhom jitqiesu b'mod partikolari:

TEN/419“Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi” (4) punt 1.1: użu aktar mifrux mill-vetturi elettriċi bħala kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra; punt 1.6: Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jippromovu u jappoġġjaw din it-tranżizzjoni kruċjali;

TEN/382“Varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport” (5) punt 1.7: il-KESE jenfasizza li biex tinħoloq din l-infrastruttura jrid jitqies finanzjament adegwat kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Istati Membri u s-settur privat;

TEN/362“Strateġija Ewropea għar-riċerka tal-baħar u dik marittima” (6) punt 1.10: fid-dokumenti ta’ segwitu għall-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ser tkun tista' tniedi proposta għall-appoġġ tal-oqsma ta’ riċerka tal-baħar u dik marittima li mhumiex koperti mill-Istrateġija Ewropea tar-Riċerka permezz ta’ fondi apposta; punt 3.6.4: Huwa kruċjali wkoll li ssir koordinazzjoni bejn il-fondi strutturali, il-programm qafas Ewropew u sorsi oħra ta’ fondi, kif ukoll

TEN/335“L-emissjonijiet tat-trasport bit-triq – miżuri konkreti kontra l-istaġnar” (7).

4.7.2   Fir-rigward tat-tieni mistoqsija, dwar it-“tkabbir sostenibbli” u ekonomija iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva, dawn l-opininjonijiet huma utli:

TEN/399/400“Futur sostenibbli għat-trasport/il-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010” (8), punt 2.8, l-ewwel inċiż: in-numru ta’ anzjani qed jiżdied sew u dan ser ifisser tendenzi differenti fl-imġiba fejn jidħol it-trasport, iktar infiq mill-gvern għall-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet, u tnaqqis fil-baġit għat-trasport pubbliku; punt 4.15: hemm bżonn bidliet kbar fl-investiment tal-infrastruttura;

TEN/412“Politika Ewropea tat-trasport/l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli” (9), punt 1.5: għandhom jiġu stabbiliti linji gwida ġodda għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u jistgħu jingħataw inċentivi bl-intervent tal-BEI; punt 1.8: soluzzjonijiet b'konsegwenzi finanzjarji ikbar li jeħtieġu għażliet politiċi ċari eċċ.;

TEN/297“It-taħlita enerġetika fit-trasport” (10), punt 5.4: is-sussidji għas-settur tat-trasport jammontaw bejn EUR 270 u 290 biljun; punt 8.13: il-Kummissjoni ħarġet EUR 470 miljun għat-twaqqif ta’ intrapriża konġunta taċ-ċelloli tal-fjuwil u tal-idroġenu u l-punt 8.15: il-proġett Zero Regio, kofinanzjat mill-Kummissjoni, jipprevedi l-kostruzzjoni u l-esperimentazzjoni ta’ żewġ strutturi innovattivi;

TEN/376:“It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata” (11), punt 1.9: bżonn li tiġi żviluppata l-infrastruttura neċessarja; punt 4.2: hemm bżonn tittieħed azzjoni biex tiġi implimentata u mtejba (tneħħija tal-konġestjoni tal-infrastruttura fiżika) kif ukoll,

TEN/336“Il-konsegwenzi soċjali tal-iżvilupp fil-binomju tat-trasport u l-enerġija” (12), punt 1.2.5: Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (Risk-Sharing-Finance Facility - RSFF);

TEN/262“Il-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija – il-mobilità sostenibbli” (13), punt 1.3: għall-ottimizzazzjoni tan-netwerk fiżiku jeħtieġ li jsiru disponibbli l-mezzi finanzjarji neċessarji; punt 4.5.5: hemm bżonn li jsiru disponibbli iktar fondi baġitarji għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport; punt 4.5.6: sistema ta’ finanzjament imħallta għall-bini u ż-żamma tal-infrastruttura;

TEN/440“Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata” (14), punt 2.9: l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata hija mhedda minħabba n-nuqqas ta’ fondi, punt 2.10: it-twaqqif ta’ programm li jappoġġja l-iżvilupp tal-politika marittima integrata.

TEN/427“Għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija” (15), punt 1.1: il-fondi Ewropej jintużaw biex jitħaffef l-investiment fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, punt 2.2: strument finanzjarju speċifiku li jappoġġja l-finanzjament għall-enerġija sostenibbli;

TEN/404“L-SMEs u l-politika tal-enerġija tal-UE” (16), punt 1.2: l-għajnuna għall-iffinanzjar tal-investiment u l-ħolqien ta’ s-sinerġiji finanzjarji bejn l-organizzazzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE; punt 1.3: l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-finanzjament tal-investiment tal-programmi reġjonali;

TEN/366“L-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet” (17), punt 5.2: permezz tal-fondi strutturali, il-fondi ta’ koeżjoni u l-BEI, l-UE pprovdiet fondi ta’ investiment, punt 5.3: it-tibdil fil-klima qed iġib problemi ġodda miegħu, u dan jeħtieġ sforz kollettiv mill-UE;

TEN/381“In-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva” (18), punt 4.1.2: l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom rwol importanti x'jaqdu biex iħaffu l-użu tal-istrumenti tal-UE marbuta mal-għajnuna għall-iżvilupp ta’ netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, jiġifieri l-kofinanzjament għall-ħolqien tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija mill-fondi tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-fondi ta’ koeżjoni u s-self mill-BEI.

4.7.3   It-tielet mistoqsija rigward it-“tkabbir inklużiv”, b'enfasi fuq l-impjieg u l-koeżjoni soċjali u territorjali, hija wkoll enfasizzata f'opinjonijiet ċari dwar dan is-suġġett. B'mod partikolari:

TEN/276“It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani” (19), punt 4.1: Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex terġa' tirregola t-tqassim tal-fondi għall-miżuri tal-iżvilupp reġjonali, punt 4.5: ikun xieraq li jitfassal programm konkret tal-UE għall-appoġġ tal-mobbiltà u l-iżvilupp urban;

TEN/445“L-aspetti soċjali tal-politika tal-UE dwar it-trasport” (20), punt 1.10.1: l-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-miżuri tal-infrastruttura, bħal żoni ta’ parkeġġ għat-trasport bit-triq u stazzjonijiet tajbin tal-ferroviji, tal-underground, tat-tramm u tal-linja;

TEN/397“Il-politika tat-trasport martittimu tal-UE sal-2018” (21), punt 7.1: hemm bżonn iktar investiment fl-infrastruttura tal-portijiet kif ukoll fil-konnessjonijiet maż-żoni interni, parametru li għandu jitqies fir-reviżjoni TEN-T;

TEN/320“Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana” (22), punt 1.5: Il-KESE jappoġġja l-użu ta’ “xirjiet ambjentali” għall-akkwisti li jirrelataw ma’ infrastruttura ffinanzjata minn programmi Ewropej, u jitlob għat-tneħħija ta’ ostakoli eżistenti, punt 4.25 fejn issir il-mistoqsija: “Liema valur miżjud jista', għaż-żmien fit-tul, iġib l-appoġġ Ewropew immirat għall-finanzjament ta’ trasport urban nadif u enerġetikament effiċjenti”;

TEN/401“Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” (23), punt 6.3: il-KESE jitlob għal Fond Sovran Ewropew, garantit mill-Bank Ewropew għall-Investiment u minn riżorsi speċifiċi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sistemi tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar tal-enerġija – tip ta’ “Marshall Plan” Ewropew biex l-esiġenzi finanzjarji li tippreżenta l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġu indirizzati b'ċertezza; punt 6.4: il-BEI għandu jamministra l-fond;

TEN/414“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (24), punt 1.10: il-KESE jirrakkomanda li d-destinazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni tkun immirata aħjar, speċjalment bil-ħolqien ta’ strument finanzjarju speċifiku għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana, punt 4.4.4: jitlob għar-razzjonalizzazzjoni tas-sorsi Ewropej eżistenti ta’ finanzjament;

TEN/388“TEN-T: Eżami tal-politika” (25), punt 2.6: Mill-1996 'l hawn ġew investiti EUR 400 biljun fi proġetti ta’ interess komuni; punt 2.7: huwa stmat li għadhom meħtieġa EUR 500 biljun ta’ investiment, punt 3.4: il-mezzi finanzjarji għandhom jirriflettu l-ambizzjonijiet politiċi u mhux bil-maqlub, punt 3.16: il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf korp ta’ koordinazzjoni fil-livell Ewropew li jkun responsabbli għall-monitoraġġ tat-tqassim ta’ dawn ir-riżorsi.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80-83, kif ukoll ĠU C 255, 22.9.2010, p. 92-97

(2)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80-83

(3)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59 – 66 (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati).

(4)  ĠU C 44, 11.2.11, p. 47-52

(5)  ĠU C 277, 17.11.09, p. 85-89

(6)  ĠU C 306, 16.12.09, p. 46-50

(7)  ĠU C 317, 23.12.09, p. 22-28

(8)  ĠU C 255, 22.09.10, pġ. 110-115

(9)  ĠU C 354, 28.12.10, p. 23

(10)  ĠU C 162, 25.06.08, p. 52-61

(11)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 25-29

(12)  ĠU C 175, 28.07.2009, p. 43-49

(13)  ĠU C 168, 20.07.2007, p. 63-67

(14)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 64-67

(15)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 165-166

(16)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 118-122

(17)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 1-6

(18)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 94-98

(19)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77-86

(20)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22

(21)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103-109

(22)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 39-45

(23)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 110-117

(24)  ĠU C 21, 21.01.2011, p. 56-61

(25)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 101-105


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti” (opinjoni addizzjonali)

2011/C 318/10

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBON

Nhar id-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(A) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni dwar

L-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-bini tal-bastimenti

(opinjoni addizzjonali).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'124 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa konvint li l-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti huwa strument li għandu jinżamm, iżda hemm bżonn li wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu aġġornati u estiżi. Fil-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa kkontribwixxa sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi u ekonomiċi previsti. Huwa ġġustifikat li jinżamm, l-ewwel u qabel kollox minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur, li huma deskritti fid-dettall fl-introduzzjoni tal-Qafas attwali.

1.2   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-Qafas mhuwiex miżura għal perjodu qasir għall-ġlieda kontra l-kriżi iżda jqis il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur, u li l-għajnuna mogħtija skont il-Qafas m'għandhiex tikkumpensa l-bini ta’ bastimenti mhux kompetittivi jew b'livell teknoloġiku baxx.

1.3   Il-KESE jemmen li l-aħbar reċenti li, wara għoxrin sena ta’ diskussjoni, twaqqfu n-negozjati li kienu għaddejjin taħt l-awspiċju tal-OECD dwar ftehim multilaterali li jistabbilixxi kundizzjonijiet kompetittivi normali fl-industrija kummerċjali tal-bini tal-bastimenti huwa argument ieħor li jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni unika tal-industrija li tirrikjedi ż-żamma u r-reviżjoni tal-Qafas.

1.4   ’Il quddiem f’din l-opinjoni, il-Kumitat jirreferi għal kwistjonijiet u problemi fundamentali, li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-partijiet interessati waqt proċess ta’ konsultazzjoni. Il-KESE jipproponi u jiġġustifika wkoll numru ta’ modifikazzjonijiet li għandhom jiġu introdotti fil-verżjoni riveduta tal-Qafas.

1.5   Il-Kumitat iqis li l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI), kif prevista mill-Qafas, hija essenzjali għax tgħin lill-bennejja tal-vapuri jaċċettaw it-tipi speċifiċi ta’ riskju relatati mal-innovazzjoni.

1.5.1   Il-Kumitat iqis li d-disponibbiltà tal-għajnuna għall-innovazzjoni għandha impatt pożittiv fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kull element innovattiv fl-iżvilupp ta’ prodotti jew proċessi ġodda. Din l-għajnuna toffri lill-intrapriżi tal-bini tal-bastimenti l-possibbiltà li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda, li jżidu l-prospetti ta’ suċċess kummerċjali għall-prodotti innovattivi u għaldaqstant li jkomplu jħeġġu l-attivitajiet tal-RDI.

1.6   Fir-rigward tal-mistoqsija tal-Kummissjoni rigward kemm huwa adegwat li ma tibqax tiġi awtorizzata l-għajnuna għall-innovazzjonijiet għajr għal dawk marbuta mal-bastimenti iktar “ekoloġiċi”, u li minn issa ’l quddiem jiġu esklużi t-tipi l-oħra kollha, il-Kumitat jingħaqad mal-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u jqis li din l-għażla ddgħajjef b'mod konsiderevoli l-effikaċja ta’ dan l-istrument. B'mod partikolari, b'dan il-mod tintilef għalkollox l-influwenza pożittiva kbira tagħha fuq il-proċess u fuq innovazzjonijiet oħra bbażati fuq il-prodott f'oqsma bħas-sigurtà u l-produttività.

1.7   Il-Kumitat jinnota li l-istrumenti ta’ għajnuna maħsuba biex jgħinu lit-teknoloġiji ekoloġiċi jistabbilixxu ruħhom fis-suq huma għodda importanti u għandhom jiġu integrati fil-Qafas. Il-Qafas rivedut għandu jiġbor fih dispożizzjonijiet adegwati u konkreti f'dan ir-rigward, li jiżdiedu mar-regoli orizzontali dwar il-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fehma tal-KESE, dawn id-dispożizzjonijiet mhux ser jagħtu kontribut biex jinħoloq strument supplementari tal-għajnuna mill-Istat, iżda ser jissemplifikaw l-implimentazzjoni tal-Qafas u jippermettu li jintlaħqu objettivi importanti tal-UE.

1.8   Rigward il-kwistjoni fundamentali li tqajjem il-Kummissjoni hija u tistaqsi jekk fil-Qafas għandhiex tinżamm l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni meta hemm regoli orizzontali għall-RDI, il-Kumitat jafferma bis-sħiħ li fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur tal-bini tal-bastimenti, huwa assolutament neċessarju li din l-għajnuna tinżamm kif ġie previst fil-Qafas, għax ir-regoli orizzontali msemmija ma jipprovdux soluzzjonijiet adegwati għall-appoġġ tal-innovazzjoni fl-industrija tal-bini tal-bastimenti.

1.9   B'kunsiderazzjoni li ma kien hemm l-ebda inċentiv li jħeġġeġ l-użu tal-għajnuna mogħtija għall-għeluq tat-tarzni matul il-perjodu bejn l-introduzzjoni tal-Qafas fl-2004 u l-kriżi bejn l-2009 u l-2010 u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ddeterjorat drastikament matul dawn l-aħħar snin u li l-ordnijiet fit-tarzni naqsu għall-iktar livell baxx tagħhom f'iktar minn għaxar snin, il-Kumitat jemmen li din il-forma ta’ għajnuna għandha tinżamm. Ir-regoli dwar dan it-tip ta’ għajnuna għandhom jippermettu lit-tarzni li jwettqu ristrutturar parzjali mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-proċess kollu ta’ ristrutturar previst fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

1.10   Il-Kumitat huwa konvint li s-settur tal-bini tal-bastimenti jista’ jibbenifika wkoll mill-għajnuna reġjonali. L-għajnuna reġjonali li taqa’ taħt il-Qafas għandha tiżgura l-istess intensità ta’ għajnuna applikabbli taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Il-KESE jemmen li ma huwa la adegwat u lanqas ġustifikat li l-iskop ta’ din l-għajnuna fil-Qafas jiġi limitat għat-tarzni eżistenti.

1.11   L-applikazzjoni ta’ regoli restrittivi tal-UE dwar l-espansjoni tal-kapaċità tal-bini tal-bastimenti kellha l-effett oppost għal dak mixtieq. Minflok ma llimitat il-kontribut għall-produzzjoni globali eċċessiva hija poġġiet lit-tarzni Ewropej fi żvantaġġ akbar meta mqabbla mal-kompetitturi globali tagħhom. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma huwa ġġustifikat l-appoġġ għal dawn il-miżuri restrittivi li għandhom bħala objettiv li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-għajnuna għall-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni.

1.12   Fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna għall-impjieg taħt il-Qafas, il-KESE jitlob lill-Istati Membri jużaw dawn il-miżuri iktar spiss mill-passat, b'mod partikolari sabiex jappoġġjaw l-azzjoni tal-bennejja tal-bastimenti f'pajjiżhom fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.13   Il-Kumitat iqis li fil-Qafas għandha tinżamm il-klawżola dwar il-krediti għall-esportazzjoni. Il-krediti għall-esportazzjoni mogħtija b'konformità mal-ftehim settorjali tal-OECD mhumiex għajnuna mill-Istat u jappoġġjaw lill-intrapriżi, u għaldaqstant jappoġġjaw ir-reġjuni fejn ikunu stabbiliti. Dan huwa marbut direttament maż-żamma u mal-ħolqien tal-impjiegi f'dan is-settur u fl-intrapriżi marbuta miegħu, kif ukoll mal-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw is-sidien tal-bastimenti tal-UE (huma jistgħu jiksbu self għal perjodu twil biex jixtru l-bastimenti).

1.14   Il-Kumitat huwa favur l-espansjoni tal-firxa ta’ prodotti inklużi fil-Qafas, b'riżultat tal-iżviluppi fl-industrija tal-bini tal-bastimenti u tat-teknoloġija mill-2004 ’l hawn. Għaldaqstant il-KESE jqis li għandha tintuża l-proposta għal aġġornament tal-Komunità tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tarzni Ewropej (CESA) stabbilita fl-opinjoni tagħha dwar Artikolu 2 tal-Qafas (1).

1.15   Il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-amministrazzjoni tal-UE biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-politika li jipprovdu informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet għall-użu tal-għajnuna mill-Istat hekk kif provdut fil-Qafas.

2.   Introduzzjoni

Kuntest tal-opinjoni

2.1   Fid-29 ta’ April 2010, il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja intitolata “L-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti fil-konfront tal-kriżi attwali”.

2.2   Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2011, il-Kummissjoni Ewropea pprevediet analiżi tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti, li tista’ tippermetti li jiġi rivedut jew estiż għall-perjodu wara l-2011. Il-konsultazzjonijiet uffiċjali mal-partijiet interessati, li involvew ukoll fost oħrajn lill-imsieħba soċjali u l-Istati Membri, intemmu fis-6 ta’ Diċembru 2010.

2.2.1   It-tfassil ta’ opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar din il-kwistjoni jidher utli u f'waqtu, b'kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ dawn ir-regoli u l-impatt sinifikanti tagħhom fuq reġjuni speċifiċi.

2.3   Il-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti. Il-Qafas daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 għal perjodu inizjali ta’ tliet snin. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendih darbtejn: fl-2006, għal perjodu ta’ sentejn, u fl-2008, għal perjodu ta’ tliet snin oħra. Għaldaqstant, il-Qafas attwalment għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

2.4   Il-prinċipju ġenerali tal-Qafas huwa li s-settur tal-bini tal-bastimenti huwa eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat, permezz tal-istrumenti orizzontali ta’ għajnuna mill-Istat, minbarra f'dawk il-każijiet fejn japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Qafas. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi jikkonċernaw dawn l-oqsma: l-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-għajnuna għall-għeluq tat-tarzni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-krediti għall-esportazzjoni, l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna reġjonali.

2.5   Il-bini tal-bastimenti jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jibbenefika wkoll minn għajnuna mill-istrumenti orizzontali ta’ għajnuna mill-Istat (kif ukoll mill-UE). Għaldaqstant jeħtieġ li l-konsultazzjonijiet u l-opinjoni tal-KESE mfassla f'isem is-soċjetà ċivili tal-UE jagħtu kontribut biex jistabbilixxu jekk id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Qafas għandhomx jibqgħu japplikaw u f'każ li dawn jiġu estiżi, jekk għandhomx jiġu emendati u kif.

3.   Informazzjoni aġġornata u konċiża dwar is-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti fil-kuntest dinji qabel id-deċiżjoni dwar il-Qafas

3.1   L-opinjoni tal-KESE ta’ April 2010 tiġbor fiha preżentazzjoni ġenerali u dettaljata tas-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti. L-informazzjoni ta’ hawn taħt tikkonsisti f'data u fatti tas-sena li għaddiet.

3.2   Wara l-ewwel perjodu ta’ kriżi, ir-reċessjoni laqtet il-bini tal-bastimenti fid-dinja kollha. Seħħew distorsjonijiet kummerċjali kbar bla preċedent u l-Istati kollha b'industrija tal-bini tal-bastimenti kellhom jaffrontaw diffikultajiet serji minħabba tnaqqis kbir fid-domanda. Minbarra l-kwistjoni li għadha ma ġietx solvuta dwar il-bżonn ta’ regoli tal-kompetizzjoni ugwali għall-bini u l-kummerċ tal-bastimenti, illum il-ġurnata il-prospetti fuq perjodu twil tal-Ewropa f’dan is-settur jinsabu f'periklu serju.

3.3   Il-pajjiżi Asjatiċi jkopru iktar minn 80 % tal-produzzjoni globali attwali tal-bastimenti, u l-ordnijiet tagħhom jirrappreżentaw sa 90 % tal-ordnijiet globali. It-tkabbir tal-pożizzjoni ta’ dawn il-pajjiżi qed iseħħ għad-detriment tal-Istati tal-UE, li s-sehem tagħhom fil-produzzjoni globali llum il-ġurnata naqas għal 7-8 %.

3.3.1   Sehem l-Ewropa f'ordnijiet globali ġodda naqas ħafna fl-2009 u niżel għal 2.7 %. Matul l-ewwel tliet kwarti tal-2010 din iċ-ċifra rkuprat għal 4.8 %. Madankollu, fir-rigward tal-kwantità ta’ bastimenti fil-lista tal-ordnijiet, l-indikatur globali rkupra ftit fl-2010, filwaqt li fl-UE baqa’ fl-istess livell tal-2009, l-iktar livell baxx ta’ dan id-deċennju.

3.3.2   L-ammont totali ta’ ordnijiet għal bastimenti ġodda matul dawn l-aħħar snin kien hekk: 85 miljun tunnellaġġ gross ikkumpensat (CGT) fl-2007, 43 miljun CGT fl-2008 u 16.5 miljun CGT fl-2009. Matul l-ewwel tliet kwarti tal-2010, madankollu, dan l-ammont kiber għal 26.3 miljun CGT (huwa mbassar li fl-aħħar tal-2010 jkun madwar 35 miljun CGT). Fl-2009, diversi bastimenti li diġà kien sarilhom kuntratt ta’ provvista ma nbnewx, fost l-oħrajn minħabba r-rati baxxi ħafna ta’ merkanzija u minħabba li ma setax jinkiseb self mill-bank għall-finanzjament tal-bini.

3.3.3   L-indiċi tal-prezzijiet tal-ewwel kwart tal-2010, ikkalkulat f'euro (meta din il-munita laħqet l-iktar livell baxx tal-aħħar għaxar snin) reġa’ tela’ b'madwar 17 %, iżda r-rati tal-kambju kellhom impatt negattiv fuq il-prezzijiet espressi fil-muniti nazzjonali. Minkejja li dan l-indiċi żdied b'iktar minn 20 % mis-sena 2000 ’l hawn, il-prezzijiet f'euro baqgħu fl-istess livell.

3.4   Minbarra l-kriżi, ir-raġunijiet prinċipali tan-nuqqas ta’ stabbiltà fis-settur tal-bini tal-bastimenti huma l-intervent u l-protezzjoniżmu fl-Istati fejn din l-industrija hija jew qed taspira li tkun settur essenzjali tal-ekonomija. Ċerti tarzni, b'mod partikolari dawk tal-Lvant Imbiegħed, li jirċievu għajnuna mill-Istat, jinsabu f'qagħda li joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom bi prezz li ma jqisx ir-riskji kollha, u għalhekk bi prezzijiet iktar baxxi minn ta’ kompetituri oħra tagħhom, essenzjalment fl-Ewropa, li bilfors iridu jinkludu r-riskju fil-kalkolu tal-prezzijiet. Forma oħra ta’ protezzjoniżmu hija preżenti fir-rati tal-kambju (wieħed mill-fatturi li jinfluwenzaw il-kompetittività) li jistgħu sa ċertu punt jitmexxew fil-livell ċentrali (pereżempju fiċ-Ċina kif ukoll fil-Korea t'Isfel).

3.5   F'Diċembru 2010, l-OECD iddeċidiet li ma terġax tiftaħ in-negozjati relatati mal-ftehim dwar ir-rispett lejn kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fl-industrija kummerċjali tal-bini tal-bastimenti. Minħabba li wara għoxrin sena ta’ diskussjonijiet in-negozjati ma rnexxewx, is-suq globali tal-bini tal-bastimenti ser ikompli jkun soġġett għal kompetizzjoni bla ħniena. Dan huwa żvilupp partikolarment negattiv li ħeġġeġ lil ċerti pajjiżi japplikaw diversi mezzi ta’ intervent fis-suq fuq livell iktar mifrux. Ir-riżultat ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni mhux ugwali fl-industrija globali tal-bini tal-bastimenti. Is-sitwazzjoni ġejja mill-intransiġenza ta’ ċerti Stati mhux membri tal-UE li għandhom it-tarzni: iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel.

3.5.1   Dan l-iżvilupp huwa meqjus bħala reazzjoni għall-kriżi globali u jiffavorixxi l-introduzzjoni ta’ miżuri protezzjonisti. Dan iġib miegħu riskju ikbar li fis-suq globali jinbnew bastimenti mingħajr ebda skop ekonomiku. Dawn il-bastimenti l-ġodda se jaggravaw il-kriżi tas-suq tal-merkanzija, fejn ikun hemm numru kbir wisq ta’ bastimenti li jikkompetu għall-istess merkanzija. L-imsieħba soċjali Ewropej tas-settur tal-bini tal-bastimenti diġà lmentaw dwar id-diversi fatturi (kapaċitajiet tal-produzzjoni żejda, sottokwotazzjoni tal-prezzijiet tat-tarzni, tunnellaġġ eċċessiv, sottokwotazjoni tat-taxxi tal-kunsinna) li għandhom effetti negattivi fuq l-atturi kollha tas-suq.

3.6   Mill-2008 ’l hawn, fl-UE, dan is-settur esperjenza tnaqqis kbir fl-impjiegi. Intilfu 40 000 impjieg u l-partijiet interessati kollha huma favur it-tnedija ta’ programm ta’ kontinġenza għaż-żamma ta’ massa kritika fl-industrija tal-bini tal-bastimenti (2). Din it-tendenza tkompli tiġi aggravata mill-applikazzjoni reċenti tal-Qafas dwar il-Kapital għas-Superviżjoni Bankarja ta’ Basel III li jillimita l-kundizzjonijiet tal-finanzjament.

3.7   Minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja, fl-UE sar ħafna iktar diffiċli li jinkisbu l-finanzjamenti meħtieġa għall-bini tal-bastimenti, billi xi istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin naqqsu l-involviment finanzjarju tagħhom jew saħansitra rtirawh kemm qabel il-bini tal-bastiment (prefinanzjament) kif ukoll wara l-konsenja tal-bastiment. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-istrumenti tal-garanziji pubbliċi, li jirrigwardaw ukoll il-krediti għall-esportazzjoni, saru ħafna iktar importanti. Il-kriżi tal-kreditu għadha għaddejja fis-settur tal-bini tal-bastimenti minkejja l-ewwel sinjali pożittivi ta’ bidla fis-suq.

3.8   Is-sottosettur tat-tiswija tal-bastimenti li jagħmel parti mis-settur tal-industrija tal-bini tal-bastimenti, għalkemm għaddej ukoll minn diffikultajiet temporanji, qiegħed f'sitwazzjoni ħafna iktar tajba mit-tarzni tal-bini. It-tarzni tat-tiswija jeżerċitaw l-attività tagħhom f'suq differenti minn dak tal-industrija tal-bini tal-bastimenti (iktar minn nofs il-bastimenti msewwija ġejjin minn barra l-UE). Il-kriżi globali tas-snin 2009–2010 laqtet ukoll lil dan is-sottosettur għaliex is-sidien tal-bastimenti naqqsu sew l-ispejjeż tat-tiswija tal-bastimenti tagħhom u ħafna drabi llimitawhom biss għat-tiswijiet indispensabbli jew perjodiċi li jitolbu r-regoli marittimi.

3.8.1   Fid-dawl tal-kompetizzjoni qawwija fis-suq globali, it-tarzni tat-tiswija ta’ ċerti Stati tal-UE ħadu azzjoni sabiex jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jiffukaw fuq il-modernizzazzjoni tal-bastimenti u t-twettiq ta’ operazzjonijiet iktar kumplessi bħall-estensjoni tal-buq tal-bastimenti, il-bini ta’ installazzjonijiet għall-estrazzjoni taż-żejt u l-gass minn taħt il-baħar u l-produzzjoni ta’ bastimenti iżgħar.

3.8.2   Attwalment, it-tiswijiet tal-bastimenti jitwettqu fil-biċċa l-kbira f'tarzni fil-pajjiżi ġirien tal-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-amministrazzjoni tal-UE jfasslu strateġija li tista’ tagħti impetu lill-iżvilupp u lill-bini tat-tarzni ta’ dan it-tip fiż-żoni tal-kosta tal-UE. Huwa fl-interess tal-Istati Membri tal-UE li tinżamm kwantità “minima strateġika” ta’ faċilitajiet tat-tiswija fl-UE biex iservu s-settur tat-trasport marittimu tagħha. Dawn it-tarzni jkunu jistgħu jsewwu l-bastimenti bi prezz kompetittiv, jiżguraw li l-ordnijiet jiġu pproċessati fil-ħin u jużaw metodi ta’ tħaddim ekoloġiċi filwaqt li jikkontribwixxu fir-reġenerazzjoni industrijali ta’ ċerti reġjuni tal-kosta.

4.   Osservazzjonijiet ġenerali

4.1   L-għan ġenerali tar-reviżjoni tal-Qafas dwar il-bini tal-bastimenti għandu jkun it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni tat-tarzni Ewropej. Dan il-kunċett għandu jimmanifesta ruħu fir-regolamenti kollha tal-Qafas.

4.2   Il-kompetittività globali tas-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti hija sottomessa għal pressjoni kbira ħafna li ġejja mill-kundizzjonijiet diffiċli ħafna tas-suq, b'mod partikolari minħabba l-ammont kbir ta’ għajnuna disponibbli fil-pajjiżi kompetituri. Ladarba mhix f'pożizzjoni li tkun kompetittiva fir-rigward tal-ispejjeż tax-xogħol, l-industrija Ewropea għandha tipprova tieħu vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha billi tiżgura l-ogħla kwalità ta’ sigurtà tal-bastimenti, l-effiċjenza u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu u tuża metodi innovattivi bil-għan li jkomplu jtejbu l-effiċjenza. Huwa evidenti li l-Qafas, fil-verżjoni riveduta u ġdida tiegħu, ser jippermetti li jiġu garantiti inċentivi adegwati għal dan il-għan u li huma indispensabbli biex jinkisbu dawn ir-riżultati.

4.3   Il-Qafas rivedut għandu assolutament jinkludi sistema prattika ta’ inċentivi li tiffaċilita l-investimenti f'bastimenti ġodda jew immodernizzati u li jkollhom iktar kapaċitajiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent. In-nuqqas ta’ implimentazzjoni, fil-futur qarib, ta’ din is-sistema jista' jagħmilha impossibbli li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi immedjati mit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-ossidi tal-kubrit kif ukoll tal-gassijiet b'effett ta’ serra. Il-Qafas għandu jistipola li dan it-tip ta’ għajnuna u l-mezzi finanzjarji allokati għaliha għandhom ikunu riservati għall-bennejja Ewropej tal-bastimenti.

4.4   L-għajnuna li tingħata taħt il-Qafas hija importanti kemm għall-intrapriżi individwali kif ukoll għar-reġjuni. Għalhekk jeħtieġ li jiġu introdotti proġetti innovattivi ġodda li permezz tagħhom it-tarzni jkunu jistgħu jirrispondu b'mod kemm jista' jkun rapidu u effettiv għall-bżonnijiet tas-suq li dejjem jinbidlu. Il-proġetti innovattivi li tkopri l-għajnuna għandhom jinkludu elementi rilevanti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni ta’ prodotti ġodda kif ukoll ta’ taħriġ u titjib tal-kwalifiki tal-ħaddiema li jaħdmu fl-intrapriżi kkonċernati. Il-Qafas il-ġdid għandu jikkunsidra dan l-aspett.

4.5   Il-Kumitat jikkunsidra li qabel ma tiġi indirizzata fid-dettall il-kwistjoni tal-krediti għall-esportazzjoni (ara l-osservazzjonijiet speċifiċi), għandu jiġi enfasizzat li l-aċċess għal finanzjament kompetittiv huwa ta’ spiss fattur deċiżiv li jiddetermina t-tnedija ta’ proġetti ta’ ġodda tal-bini tal-bastimenti. L-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-banek tal-Istat u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra fil-finanzjament qabel u wara l-konsenja tal-bastimenti żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari fl-Asja. Wieħed jista' probabbilment jassumi li, fil-perjodu qasir u medju, il-finanzjament tal-bini tal-bastimenti se jiġi ffinanzjar, anke fl-Ue, bl-appoġġ f'forma ta’ self jew ta’ garanziji pubbliċi li jipprevedi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u tal-UE, pereżempju tal-Bank Ewropew tal-Investiment (fejn is-settur esperjenza xi diffikultajiet) (3).

4.6   Minn meta ġie stabbilit l-ewwel Qafas għas-settur tal-bini tal-bastimenti tal-UE, seħħew bosta tibdiliet strutturali, li għandhom jiġu kkunsidrati huma u jitfasslu d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Qafas. Dawn huma:

it-tarzni Ewropej għamlu progress sinifikanti lejn l-ispeċjalizzazzjoni, proċess li għandu jitkompla u jiġi appoġġjat;

l-ammont ta’ mudelli standard ta’ bastimenti fil-portafoll tal-produzzjoni tal-industrija tal-bastimenti Ewropea naqas b'mod konsiderevoli;

il-kompetizzjoni globali qed issir evidenti wkoll fil-qasam tal-bastimenti żgħar, inklużi l-bastimenti li jintużaw fil-passaġġi fuq l-ilma intern;

filwaqt li d-daqs medju tat-tarzni Ewropej baqa’ l-istess jew naqas matul dawn l-aħħar għaxar snin (minħabba li għalqu xi tarzni fil-Polonja, il-Kroazja, id-Danimarka u Spanja), l-Ewropa issa qed ikollha tiffaċċja l-espansjoni enormi ta’ tarzni fil-pajjiżi kompetituri, b'mod partikolari fl-Asja;

l-importanza tal-prodotti u tal-proċeduri ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kibret b'mod sinifikanti; din it-tendenza għandha tiġi appoġġjata b'mod partikolari billi jittieħdu l-miżuri neċessarji dwar il-kwistjoni tal-emissjonijiet, partikolarment tal-ossidi tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tal-gassijiet b'effett ta’ serra;

l-iżvilupp tal-attività kostali jfisser li l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti jeħtieġ li ssib mod ta’ kif tissodisfa d-domanda lokali.

4.7   L-approċċ adottat mill-Istati Membri tal-UE huma u japplikaw il-miżuri ta’ għajnuna provduta taħt il-Qafas għandu importanza partikolari; huma għandhom jipprovdu, b'mod komprensiv u sistematiku, informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna (mhux sussidji) mill-Istat hekk kif provdut fil-Qafas.

5.   Osservazzjonijiet speċifiċi

L-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

5.1   Is-settur tal-bini tal-bastimenti għandu jwettaq attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni biex itejjeb il-prodotti li joffri u biex b'hekk jikseb suċċess fis-suq. Madankollu, l-azzjoni f'dan ir-rigward tista' tittieħed biss jekk l-istess suq ikun lest li jaċċetta t-tipi speċifiċi ta’ riskju relatati mal-innovazzjoni.

5.2   Hekk kif jenfasizzaw il-bennejja Ewropej tal-bastimenti, l-espożizzjoni għar-riskju marbut mal-produzzjoni tal-bastimenti prototipi hija kbira. Għall-kuntrarju tal-maġġoranza tas-setturi l-oħra, kuntratt ta’ bejgħ li jsir fis-settur tal-bini tal-bastimenti jinvolvi definizzjoni tal-prestazzjoni tal-prodott, li ma jkunx jista' jiġi sottomess għal verifika minn qabel meta jiġi ffirmat il-kuntratt. L-inċidenti marbuta ma’ element ta’ innovazzjoni, anki jekk ikunu żgħar, jistgħu jwasslu għal bidliet sinifikanti, li jkunu jeħtieġu iktar riżorsi u skadenzi itwal, u b'hekk iwasslu għal tfixkil fil-proċess tal-produzzjoni.

5.2.1   Il-Kumitat iqis li d-disponibbiltà tal-għajnuna għall-innovazzjoni għandha impatt pożittiv fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ kull element innovattiv fl-iżvilupp ta’ prodotti jew proċessi ġodda. Din l-għajnuna toffri lill-intrapriżi tal-bini tal-bastimenti l-possibbiltà li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda, li jżidu l-prospetti ta’ suċċess kummerċjali għall-prodotti innovattivi u għaldaqstant li jkomplu jħeġġu l-attivitajiet tal-RDI.

5.3   L-għajnuna għall-innovazzjoni toħloq effett ta’ aċċelerazzjoni, li huwa fattur essenzjali li jwassal għal żieda fl-effiċjenza u l-kompetittività li huma kruċjali biex tinżamm pożizzjoni teknoloġika dominanti fil-qasam tal-bastimenti kumplessi u innovattivi. Il-veloċità tal-innovazzjoni huwa aspett fundamentali tal-kompetittività, b'mod partikolari b'kunsiderazzjoni tal-possibiltajiet limitati tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tat-teknoloġiji marittimi.

5.4   L-imsieħba soċjali Ewropej mis-settur tal-bini tal-bastimenti kollha jaqblu, abbażi ta’ eżempji speċifiċi, li l-għajnuna għall-innovazzjoni kkontribwixxiet b'mod ċar għat-titjib tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-tarzni tal-UE. Din l-għajnuna ffaċilitat l-introduzzjoni u d-diffużjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni, ta’ teknoloġiji u ta’ prodotti ġodda u stimulat l-RDI. Għalhekk ta’ min jirrikonoxxi li din l-għajnuna hija strument adegwat tal-politika tal-UE.

5.5   Fir-rigward tal-problemi marbuta mal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna għall-innovazzjoni, l-intraprendituri jemmnu li dawn jistgħu jiġu solvuti mingħajr ma jiġi emendat it-test tal-Qafas. Dan jista' jsir permezz ta’ reviżjoni tal-programm nazzjonali notifikat li temenda l-limitu tal-eżenzjoni sħiħa tal-għajnuna għall-innovazzjonijiet tal-prodotti relatati mal-bastimenti ż-żgħar u l-innovazzjonijiet fil-proċessi.

5.6   Fir-rigward tal-mistoqsija tal-Kummissjoni rigward kemm huwa adegwat li tiġi awtorizzata l-għajnuna għall-innovazzjonijiet marbuta ma’ bastimenti ekoloġiċi biss u li minn issa ’l quddiem jiġu esklużi t-tipi l-oħra kollha, il-Kumitat jingħaqad mal-pożizzjoni tal-imsieħba soċjali u jqis li din l-għażla ddgħajjef b'mod konsiderevoli l-effikaċja ta’ dan l-istrument. B'mod partikolari, b'dan il-mod tintilef l-influwenza pożittiva kbira fuq l-innovazzjonijiet fil-proċessi li għandhom l-għan li jżidu l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Barra minn hekk, jista' jagħti l-każ li din l-għażla teskludi l-possibbiltà li tiġi allokata għajnuna għal ċerti innovazzjonijiet li jirrigwardaw il-prodotti marbuta, pereżempju, mat-titjib tas-sigurtà, jew mal-protezzjoni u l-kumdità tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri.

5.6.1   L-istrumenti ta’ appoġġ bil-għan li jgħinu l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi fis-suq huma strument importanti li għandu jiġi integrat fil-Qafas bħala għajnuna ambjentali li tikkompleta l-għajnuna għall-innovazzjoni iżda li tieħu l-forma ta’ strument separat.

5.7   Abbażi tal-mudell tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent, għandu jkun hemm inċentivi li jħeġġu li wieħed imur lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-Qafas orizzontali fis-settur tal-bini tal-bastimenti ftit li xejn avvanzat. Minbarra r-rekwiżiti tar-regoli orizzontali, il-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti għandu għaldaqstant jinkludi dispożizzjonijiet adegwati u konkreti. Mod effettiv ta’ kif dan jista' jsir huwa permezz ta’ referenza għar-regoli dwar l-għajnuna ambjentali taħt ir-regoli dwar l-eżenzjonijiet ġenerali flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi għall-bastimenti. Dan għandu jikkontribwixxi b'mod effettiv għas-semplifikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur.

5.8   Il-Qafas orizzontali dwar l-RDI fih ukoll dispożizzjonijiet dwar l-attività tal-innovazzjoni, fosthom “l-iżvilupp ta’ prototipi kummerċjali li jintużaw u proġetti pilota […] fejn il-prototip hu neċessarjament il-prodott kummerċjali finali u fejn tkun ferm għalja biex tipproduċih ħalli jintuża biss għal skopijiet ta’ dimostrazzjonijiet u validazzjoni” (4).

5.8.1   Id-dispożizzjonijiet rispettivi fil-fatt jagħtu lok għal iktar għajnuna mill-Qafas u, sa ċertu punt, firxa iktar wiesgħa ta’ spejjeż eliġibbli. Madankollu jistipolaw ukoll li “f'każ ta’ użu kummerċjali sussegwenti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni jew dawk pilota, kwalunkwe dħul finanzjarju ġġenerat minn dan l-użu jista' jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli” (5)

5.8.2   Filwaqt li din id-dispożizzjoni tista' tintuża fil-maġġoranza tas-setturi minħabba l-produzzjoni tal-massa fejn l-ispejjeż tal-iżvilupp jinqasmu fuq numru ikbar ta’ prodotti, hija ma tistax titħaddem fil-każ tal-prototipi tal-bastimenti.

5.9   Fil-qosor, il-Kumitat jinnota li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-bini tal-bastimenti, il-Qafas orizzontali dwar l-RDI ma joffrix soluzzjoni adegwata fir-rigward tal-għajnuna għall-innovazzjoni għall-bini tal-bastimenti, u li għaldaqstant l-aħjar soluzzjoni tkun li jiġu inklużi dispożizzjonijiet adegwati fil-Qafas aġġornat.

Għajnuna għall-għeluq tat-tarzni

5.10   Fil-perjodu ta’ żmien bejn l-introduzzjoni tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti, fl-2004, u l-bidu tal-kriżi, l-industrija tal-bastimenti għaddiet minn perjodu fejn id-domanda kienet kbira u, għaldaqstant, ma kinitx f'pożizzjoni li tipprevedi l-għeluq tal-installazzjonijiet. It-tnaqqis drammatiku li esperjenzat dawn l-aħħar sentejn bidel is-sitwazzjoni, u l-ordnijiet tas-settur Ewropew tal-bastimenti niżlu fl-aktar livell baxx li qatt kienu fih f'dawn l-aħħar għaxar snin.

5.10.1   Għalhekk, il-Kumitat iqis li fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq, iż-żamma ta’ din il-forma ta’ għajnuna hija ġustifikata (6).

5.11   Id-dispożizzjonijiet dwar dan it-tip ta’ għajnuna għandhom jippermettu lit-tarzni li jwettqu ristrutturar parzjali (7) mingħajr ma jkollhom jgħaddu mill-proċess kollu ta’ ristrutturar previst fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar; dan huwa l-mudell li għandu jiġi applikat meta jiġu riveduti dawn il-linji gwida. Jekk dan isir, ma jkunx hemm bżonn ta’ dispożizzjonijiet separati dwar l-għajnuna għar-ristrutturar fil-Qafas tal-bini tal-bastimenti.

Għajnuna reġjonali

5.12   Jekk ir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali jinżammu, għandu jkollha skop u intensità li jikkonformaw mar-regoli li japplikaw skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. La huwa adegwat u lanqas ġustifikat li l-ambitu tal-għajnuna jkun limitat għat-tarzni eżistenti biss. Biex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti jeħtieġ li tinvesti f'metodi ta’ produzzjoni u f'tagħmir iktar effiċjenti. Dan jista' jitlob il-ħolqien ta’ unitajiet tal-produzzjoni ikbar sabiex jintużaw is-sinerġiji, is-settur isir iktar effiċjenti u jintużaw l-ekonomiji tal-kobor. Permezz tar-regolamenti attwali, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li tingħata għajnuna reġjonali lil proġetti bħal dawn.

5.13   L-investimenti l-kbar fil-pajjiżi Asjatiċi kienu l-mutur ewlieni tas-suċċess tal-iżvilupp industrijali tagħhom. Ħafna drabi dawn ġew appoġġjati, direttament jew indirettament, mill-Istat. Ir-regoli ristrettivi Ewropej fir-rigward tal-espansjoni tal-kapaċità tas-settur tal-bini tal-bastimenti ħadu d-direzzjoni opposta u dan poġġa lill-industrija Ewropea fi żvantaġġ akbar meta mqabbla mal-kompetituri globali. Għaldaqstant, iż-żamma ta’ dawn il-miżuri restrittivi bil-għan li jnaqqsu l-għajnuna għall-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, m'għadhiex ġustifikata.

5.14   Il-problemi ewlenin ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-regoli eżistenti fir-rigward tal-għajnuna reġjonali huma marbuta mal-approċċ restrittiv li l-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-bini tal-bastimenti jadotta fir-rigward tad-dispożizzjonijiet orizzontali. B'mod partikolari, l-interpretazzjoni stretta tal-għajnuna għalinvestimenti f'installazzjonijiet eżistenti llimitat, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, l-ambitu ta’ dan l-istrument u wasslet għal problemi serji fl-applikazzjoni tiegħu stess.

Għajnuna għall-impjieg

5.15   Il-KESE jinsab konvint li l-għajnuna għall-impjieg għandha tinżamm fil-Qafas.

5.15.1   Il-Kumitat jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jużaw il-miżuri tal-għajnuna għall-impjieg stabbiliti fil-Qafas b'mod iktar frekwenti sabiex jappoġġjaw l-azzjoni tal-bennejja tal-bastimenti f'pajjiżhom fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ f'sitwazzjonijiet ta’ kriżi kkawżati minn ċikli tas-suq, produzzjoni globali eċċessiva jew kompetizzjoni inġusta min-naħa ta’ tarzni li ma jinsabux fl-UE.

Għajnuna għall-krediti għall-esportazzjoni u l-iżvilupp

5.16   Il-krediti għall-esportazzjoni provduti minn aġenziji statali tal-kreditu għall-esportazzjoni huma prattika komuni f'bosta setturi industrijali madwar id-dinja. Ftehimiet settorjali fil-livell tal-OECD jipprovdu l-istandards nazzjonali aċċettati. L-Istati Membri tal-UE kollha huma impenjati bis-sħiħ lejn dawn ir-regoli li, fil-kuntest tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, huma kkunsidrati wkoll kompatibbli b'mod sħiħ mas-suq intern.

5.17   Il-faċilitajiet tal-kreditu għall-esportazzjoni huma element importanti fil-finanzjament tal-proġetti ta’ bini tal-bastimenti. Fl-Ewropa huma maħsuba biex ikopru l-ispejjeż u għalhekk ma jikkostitwixxux sussidji. Li dawn ikunu disponibbli f'kundizzjonijiet kompetittivi jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. B'mod partikolari fid-dawl tal-pakketti estensivi ta’ finanzjament li joffru pajjiżi ewlenin oħra fil-qasam tal-bini tal-bastimenti, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa li jipprovdu strumenti ekwivalenti għall-intrapriżi tagħhom.

5.18   Il-Kumitat jikkunsidra li huwa importanti li jiġi stabbilit, permezz tal-opportunitajiet provduti mid-djalogu settorjali, kemm referenza għad-dispożizzjonijiet tal-OECD fil-Qafas hija neċessarja jew utli. L-imsieħba soċjali fis-settur tal-bini tal-bastimenti jqisu li din hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata mill-amministrazzjonijiet jekk id-disponibbiltà kontinwa tas-sistemi attwali tal-kreditu għall-esportazzjoni titpoġġa f'riskju.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Reviżjoni tal-Qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-bini tal-bastimenti – Risposta tas-CESA għad-dokument ta’ konsultazzjoni – suppliment, 2010.

(2)  Opinjoni tal-KESE – ĠU C 18, 19.1.2011, p. 35.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE – ĠU C 18, 19.1.2011, p. 35.

(4)  Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 800/2008 tas-6/08/2008 (ĠU L 214, 9.8.2008).

(5)  Ibid.

(6)  Spanja, fost pajjiżi oħra, qed tippjana li tuża l-għajnuna għall-għeluq tat-tarzni fil-futur qarib għal bosta tarzni (ristrutturar parzjali).

(7)  L-għajnuna għar-ristrutturar hija definita fir-regoli orizzontali adegwati li għandhom jiġu riformati fl-2012. L-għajnuna għar-ristrutturar parzjali mistennija li tiġi inkluża f'din ir-riforma.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti” (opinjoni addizzjonali)

2011/C 318/11

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar l-20 ta’ Jannar 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29A tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

Il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, vot wieħed kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fis-snin li ġejjin ser jiżdiedu kemm il-mobilità interna taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Ewropa. Dawn il-proċessi migratorji ser iżidu d-diversità nazzjonali, etnika, reliġjuża u kulturali tal-UE (1). Iż-żieda fil-mobilità u fl-immigrazzjoni tirrappreżenta sfida għal-livell lokali u reġjonali.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkundanna l-azzjonijiet reċenti li jillimitaw il-libertà ta’ moviment fiż-żona Schengen, u ħejja opinjoni (2) sabiex jikkoopera fil-ħidma tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju.

1.2

Wieħed mill-prinċipji gwida tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jirreferi għall-integrazzjoni tal-immigranti. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni li t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi kif ukoll it-titjib tat-taħriġ u tas-servizzi pubbliċi jiffaċilitaw l-integrazzjoni.

1.3

Huwa importanti ħafna li l-UE jkollha leġislazzjoni komuni tajba sabiex il-ġestjoni tal-immigrazzjoni ssir permezz ta’ proċeduri legali u trasparenti. Il-leġislazzjoni komuni għandha tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tiggarantixxi li l-immigranti jkollhom l-istess drittijiet u obbligi u jibbenefikaw minn trattament indaqs u nondiskriminazzjoni fix-xogħol u fis-soċjetà.

1.4

Fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika u soċjali, l-intolleranza, il-ksenofobija u r-razziżmu qed jiżdiedu fl-Ewropa kollha kif ukoll fl-aġendi politiċi ta’ xi gvernijiet. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu attivi ħafna fil-ġlieda kontra l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni kontra l-immigranti u l-minoranzi viżibbli, u jippromovu l-opportunitajiet indaqs, il-koeżjoni u l-mobilità soċjali. Il-mezzi tax-xandir għandhom jaġixxu b’mod responsabbli u informattiv.

1.5

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom strumenti politiċi, regolatorji u baġitarji sabiex jimplimentaw il-politiki tal-integrazzjoni. Bosta drabi l-politiki nazzjonali jkunu mmirati lejn il-kontroll tal-flussi migratorji, iżda jkunu ’l bogħod ħafna mil-livelli lokali u reġjonali, li jridu jiffaċċjaw l-isfida tal-integrazzjoni. Il-politiki żviluppaw b’mod varjat: politiki proattivi, preventivi, korrettivi jew reattivi. L-awtoritajiet lokali tbiegħdu mill-approċċ li jara l-integrazzjoni bħala proċess naturali mingħajr diffikultajiet u li m’għandux bżonn politiki attivi u speċifiċi.

1.6

Il-KESE jemmen li l-integrazzjoni mhix att legali, iżda proċess soċjali kumpless li jiżviluppa matul perjodu twil ta’ żmien u jinvolvi diversi dimensjonijiet u atturi, speċjalment fil-livell lokali. Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni jiżvolġi fl-istrutturi tas-soċjetà u f’diversi oqsma ta’ ħajjet in-nies: fil-familja, fl-inħawi lokali u fil-belt, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fiċ-ċentru tat-taħriġ, fl-assoċjazzjonijiet, fl-istituzzjonijiet reliġjużi, fil-klabbs tal-isports, eċċ.

1.7

Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq qafas leġislattiv li jiggarantixxi l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kundizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs (3). L-ewwel Prinċipju Bażiku Komuni tal-politika ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea (4) jgħid li: “L-integrazzjoni hija proċess dinamiku fuq żewġ binarji ta’ akkomodazzjoni reċiproka mill-immigranti u r-residenti kollha tal-Istati Membri (5).

1.8

Il-politiki tal-integrazzjoni u tal-inklużjoni soċjali adottati mill-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali għandhom jiffokaw fuq diversi oqsma  (6): l-akkoljenza inizjali, it-tagħlim tal-lingwa, tal-liġijiet u tad-drawwiet, l-akkomodazzjoni, is-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-politiki tal-impjieg u tat-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni tal-minorenni, il-politika tal-familja, il-politika taż-żgħażagħ, il-kura tas-saħħa, l-estensjoni tas-servizzi soċjali, u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ċivika. Il-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jirrifletti d-diversità etnika u kulturali, u l-impjegati pubbliċi għandhom jingħataw taħriġ interkulturali. Fil-livell lokali u reġjonali għandhom jiġu promossi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet.

1.9

Il-governanza demokratika hija msejsa fuq il-prinċipju li l-membri kollha tal-komunità politika għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod dirett u indirett fil-proċess governattiv tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Sabiex il-politiki tal-integrazzjoni jirnexxu, hemm bżonn li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkollaboraw b’mod attiv fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni.

1.10

Is-soċjetà demokratika tirrikjedi li l-persuni kollha milquta mid-deċiżjonijiet kollettivi jkunu jistgħu jinfluwenzaw dawn id-deċiżjonijiet u jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fihom. Il-bliet multikulturali Ewropej tas-seklu 21 iridu jtejbu d-demokrazija permezz tal-parteċipazzjoni tar-residenti li d-drittijiet tal-parteċipazzjoni politika tagħhom huma ristretti: ir-residenti li jkunu ġejjin minn pajjiżi mhux fl-UE (7).

1.11

Il-KESE talab (8) li d-drittijiet taċ-ċittadinanza jiġu estiżi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom l-istatut ta’ residenza permanenti fl-UE. Jitlob ukoll li l-politiki nazzjonali ta’ naturalizzazzjoni jkunu aktar flessibbli.

1.12

Il-KESE jista’ jikkollabora fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Zaragoza bis-saħħa ta’ opinjoni dwar l-indikaturi taċ-ċittadinanza attiva.

1.13

Id-disa’ Prinċipju Bażiku Komuni, “Is-sehem tal-immigranti fil-proċess demokratiku u fit-tfassil tal-[politiki] u l-miżuri ta’ integrazzjoni[, speċjalment] fuq livell lokali, jgħin l-integrazzjoni tagħhom”, ġie żviluppat b’mod insuffiċjenti fl-Istati Membri. It-tielet edizzjoni tal-MIPEX (9) (li tinkludi l-indikaturi tal-integrazzjoni ta’ 31 pajjiż tal-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq) tikkonkludi li l-parti l-kbira tal-immigranti ftit għandhom possibbiltajiet biex jipparteċipaw fil-politiki li jaffettwawhom.

1.14

Il-KESE jemmen li għandhom jiġu implimentati politiki tal-integrazzjoni proattivi, b’approċċ bidirezzjonali, immirati lejn is-soċjetajiet ospitanti u lejn l-immigranti, bil-għan li tissawwar soċjetà fejn ir-residenti kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ikollhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi, u jaqsmu l-valuri ta’ soċjetà demokratika, miftuħa u pluralista.

1.15

Fil-bliet Ewropej is-soċjetà ċivili hija attiva ħafna u taħdem biex ittejjeb il-koeżistenza u l-integrazzjoni ċivika. Dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw kapital soċjali ammirevoli li hu kapaċi jippromovi soċjetajiet inklużivi f’kull qasam ta’ azzjoni tagħhom. Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u jippromovu l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni permezz ta’ proċeduri pubbliċi u trasparenti, u li jkollhom finanzjament suffiċjenti. Is-sistemi ta’ finanzjament m’għandhomx jillimitaw l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet.

1.16

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni, il-governanza għandha tittejjeb bis-saħħa ta’ sistemi li jippermettu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-KESE jipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-korpi ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni eżistenti fil-livell lokali u reġjonali u li jinħolqu forums u pjattaformi ġodda fil-bliet u r-reġjuni li għad m’għandhomx, għaliex l-azzjonijiet pubbliċi jirnexxu aktar meta jintużaw is-sistemi parteċipattivi.

1.17

Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet tal-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa jifformaw kunsilli, forums u pjattaformi konsultattivi sabiex is-soċjetà ċivili (l-organizzazzjonijiet tal-immigranti u tal-appoġġ għall-immigranti, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, l-imsieħba soċjali – trejdjunjins u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem – u NGOs interessati oħrajn) tipparteċipa u tiġi kkonsultata rigward il-politiki tal-integrazzjoni. Fil-livell muniċipali, l-istrutturi tal-parteċipazzjoni jistgħu jkunu adattati għall-karatteristiċi lokali u jista’ jkollhom strutturi stabbli jew aktar flessibbli. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħmlu sforz biex ineħħu l-ostakli li jimpedixxu l-parteċipazzjoni.

1.18

Il-KESE jemmen li, fl-Aġenda għall-Integrazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni Ewropea għandha tenfasizza l-importanza tal-livell lokali u reġjonali, filwaqt li tippromovi l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa fil-livell lokali li l-integrazzjoni ssir b’mod aktar effettiv u li jiżviluppa s-sens ta’ appartenenza. Il-parteċipazzjoni soċjali u politika hija indispensabbli sabiex jinħoloq dan is-sentiment ta’ appartenenza.

1.19

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tipproponi li fil-livell lokali jinħolqu strutturi ta’ konsultazzjoni mal-immigranti u s-soċjetà ċivili; u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni jista’ jikkollabora mal-awtoritajiet lokali fil-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni, filwaqt li tiġi garantita l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet.

1.20

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni intermedja li jmiss, il-KESE jemmen li l-baġit tal-Fond għandu jiżdied u l-Fond għandu jkollu sistemi aktar flessibbli ta’ finanzjament għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi sa 20 % tal-Fond sabiex tiffinanzja l-azzjonijiet Komunitarji li jkollhom valur miżjud. Il-Kumitat, bħal bosta organizzazzjonijiet tal-immigranti, huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Fond jiffinanzja biss il-proġetti ppreżentati mill-organizzazzjonijiet il-kbar li jistgħu jiksbu livelli għoljin ta’ kofinanzjament, iżda ma jiffinanzjax l-organizzazzjonijiet lokali ż-żgħar.

2.   Kuntest u kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE kkontribwixxa, permezz ta’ diversi opinjonijiet, biex l-UE jkollha approċċ komuni għall-politiki tal-integrazzjoni: l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni, il-Prinċipji Bażiċi Komuni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni, il-konferenzi ministerjali, in-Netwerk tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, il-manwali dwar l-integrazzjoni, ir-rapporti annwali, is-sit elettroniku kif ukoll il-ħolqien tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

2.2

Bit-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni Ewropea ngħatat bażi legali (Artikolu 79(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) biex tiżviluppa miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri relatata mal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.3

Fl-2006, il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (10) biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki Komunitarji tal-integrazzjoni minn perspettiva lokali u reġjonali. Il-KESE enfasizza li l-politiki tal-integrazzjoni mhumiex kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, iżda wkoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

2.4

Tinħtieġ governanza tajba sabiex dan il-proċess soċjali jkun appoġġjat minn politiki adegwati min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, skont il-kompetenzi tagħhom fl-Istati Membri differenti, għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti politiċi, regolatorji u finanzjarji li jridu jużaw b’mod adegwat fil-politiki tal-integrazzjoni. Sabiex tiġi garantita l-effikaċja tagħhom u tinżamm konsistenza globali, il-programmi u l-azzjonijiet għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jiġu kkoordinati u evalwati b’mod adegwat fit-tliet livelli (nazzjonali, reġjonali u lokali).

2.5

Il-KESE jixtieq jenfasizza li, fil-livell reġjonali u lokali, is-soċjetà ċivili organizzata hija interessata u impenjata fil-politiki tal-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni: organizzazzjonijiet tal-immigranti u tal-appoġġ għall-immigranti, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozji, NGOs fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra r-razziżmu, komunitajiet reliġjużi, organizzazzjonijiet tan-nisa, taż-żgħażagħ u tar-residenti, organizzazzjonijiet edukattivi, kulturali u sportivi, eċċ.

2.6

Il-KESE diġà nnota li: “[l]-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa punt ewlieni, u huwa parti essenzjali mill-proċess tal-integrazzjoni għaliex l-impjiegi deċenti huma vitali għall-awtosuffiċjenza ekonomika tal-immigranti, u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti” (11).

2.7

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma strumenti fundamentali għall-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs. Is-sistemi ta’ taħriġ kontinwu fl-intrapriżi għandhom jissaħħu sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema immigranti. L-UE għandu jkollha sistema aktar flessibbli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali li jinkisbu fil-pajjiżi ta’ oriġini.

2.8

Il-KESE analizza (11) d-diffikultajiet prinċipali relatati mal-integrazzjoni soċjali meta l-immigranti jkunu f’sitwazzjoni irregolari, u ppropona li l-immigranti irregolari jistgħu jiġu regolarizzati fuq il-bażi ta’ każ b’każ bil-konsiderazzjoni tal-istabbiliment soċjali u professjonali tagħhom, fuq il-bażi tal-Kunsill Ewropew fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (12). Ir-regolarizzazzjonijiet personali jsiru skont il-leġislazzjoni nazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi, filwaqt li jitqies il-fatt li n-nisa huma aktar vulnerabbli.

2.9

L-Artikolu 19 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta  (13), li hi strument tal-Kunsill tal-Ewropa, jiġbor lista ta’ prinċipji għall-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti u l-familji tagħhom li, fl-opinjoni tal-KESE, għandha tifforma l-bażi tal-iżvilupp tal-persuni fil-bliet. Il-Karta Soċjali Ewropea ġiet ratifikata minn 30 mis-47 pajjiż li jsawru l-Kunsill tal-Ewropa. Il-Karta tinkludi sistema importanti ta’ lmenti kollettivi li tista’ tintuża mit-trejdjunjins, minn min iħaddem u mill-organizzazzjonijiet ċivili (14-il pajjiż biss irratifikaw din is-sistema).

2.10

Barra minn hekk, iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ser ikollhom aktar possibbiltajiet biex jesprimu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom f’kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 11 TUE. Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-2010, il-KESE laqa’ din id-dispożizzjoni bħala element importanti fit-triq lejn “Ewropa tal-poplu” (14), permezz tad-djalogu orizzontali, id-djalogu vertikali u l-inizjattiva Ewropea għaċ-ċittadini. Il-KESE saħaq li hemm bżonn jiddaħħlu kriterji tar-rappreżentanza (kwantitattivi u kwalitattivi) għall-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet, u ppropona li fl-inizjattiva għaċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu b’mod permanenti fl-UE.

3.   Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni

3.1

Fuq it-talba tal-Kummissjoni Ewropea, fl-2008 l-KESE approva opinjoni esploratorja (15) li serviet ta’ bażi għall-ħolqien tal-Forum, li jorganizza l-laqgħat plenarji tiegħu kull sitt xhur fil-bini tal-KESE. Il-Forum diġà organizza ħames laqgħat plenarji. B’din l-opinjoni l-KESE kkontribwixxa għall-ħames laqgħa plenarja ta’ Mejju 2011, li fiha sar dibattitu dwar l-importanza tal-livell lokali u reġjonali għall-integrazzjoni.

3.2

Fil-Forum jipparteċipaw l-istituzzjonijiet tal-UE, diversi esperti u mitt rappreżentant tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet tal-immigranti, organizzazzjonijiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, imsieħba soċjali u NGOs interessati oħrajn). Il-Forum jiġi kkonsultat mill-istituzzjonijiet tal-UE, jiskambja l-informazzjoni u jħejji rakkomandazzjonijiet biex jippromovi l-integrazzjoni fl-aġenda Ewropea fid-dawl tal-prattiki tajbin nazzjonali. Il-Forum jiġi assistit minn Bureau magħmul minn erba’ membri (Kummissjoni, KESE u żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet). B’differenza mis-sistemi l-oħra ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-Forum jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili b’mod strutturat, permanenti u proattiv.

3.3

Il-KESE impenja ruħu li jipparteċipa b’mod attiv fil-Forum u ddeċieda li joħloq il-Grupp Permanenti dwar l-Immigrazzjoni (IMI) fi ħdan is-Sezzjoni SOC. Il-grupp permanenti jħejji opinjonijiet, jorganizza seduti u jikkollabora fl-attivitajiet tal-Forum.

3.4

Il-Programm ta’ Stokkolma (16) jistieden ukoll lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jittejbu l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-integrazzjoni f’diversi oqsma ta’ politika. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u s-sit elettroniku Ewropew dwar l-integrazzjoni għandhom jaqdu rwol ewlieni.

3.5

F’diversi Stati Membri u anke f’xi awtoritajiet reġjonali nħolqu forums u pjattaformi konsultattivi li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn il-forums ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-immigranti jaħdmu l-aktar fil-livell lokali. Huma għandhom karatteristiċi differenti ħafna billi ċ-ċirkustanzi u l-kulturi soċjali u politiċi fl-Ewropa huma differenti.

3.6

Qabel ir-raba’ sessjoni tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, il-KESE inkariga lill-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni (Migration Policy Group) iħejji rapport li jevalwa l-qagħda tal-korpi konsultattivi nazzjonali dwar l-integrazzjoni (17). Il-korpi konsultattivi tal-Istat jeżistu fi 11-il pajjiż (fil-Ġermanja u l-Italja jeżisti biss qafas legali, iżda m’hemmx istituzzjoni; fl-Irlanda ġie stabbilit dan l-aħħar). 15-il pajjiż għandhom sistemi konsultattivi lokali. F’10 pajjiżi jeżistu kunsilli konsultattivi reġjonali (pereżempju l-Ġermanja u pajjiżi federali oħra). Fi tliet pajjiżi (l-Awstrija, Franza u l-Greċja) jeżistu korpi konsultattivi lokali, iżda mhux nazzjonali.

4.   Il-Konferenza Ministerjali ta’ Zaragoza

4.1

Il-KESE kkollabora fit-tħejjija tal-aħħar Konferenza Ministerjali dwar l-Integrazzjoni f’Zaragoza (18) permezz ta’ żewġ opinjonijiet (19). Fil-Konferenza Ministerjali pparteċipaw għall-ewwel darba żewġ rappreżentanti tal-Forum.

4.2

Fil-konklużjonijiet tal-Konferenza tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tinħoloq aġenda ġdida għall-integrazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinalizza ħidmietha fuq it-tfassil ta’ Aġenda għall-Integrazzjoni ġdida, u l-KESE ħejja rapport ta’ informazzjoni għall-preparazzjoni tagħha (20).

4.3

Id-Dikjarazzjoni ta’ Zaragoza tiddikjara li s-soċjetà ċivili taqdi rwol attiv fil-proċess tal-integrazzjoni, u li hemm bżonn li jiġi promoss proġett pilota sabiex issir evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni.

4.4

L-Istati, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom isaħħu l-inizjattivi lokali tal-integrazzjoni u l-metodoloġiji tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Ser jiġu promossi l-ħolqien ta’ netwerks u l-istabbiliment ta’ kanali ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili organizzata.

4.5

L-indikaturi kkunsidrati fid-Dikjarazzjoni huma marbuta mal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u jinkludu wkoll iċ-ċittadinanza attiva, għaliex il-parteċipazzjoni tal-immigranti fil-proċess demokratiku – bħala ċittadini attivi – tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tagħhom u ssaħħaħ is-sentiment ta’ appartenenza.

4.6

Il-KESE, li ħa sehem fil-Konferenza, innota li, minbarra l-indikaturi kwantitattivi, ser ikun hemm bżonn jitfasslu indikaturi kwalitattivi. Barra minn hekk, il-KESE jista’ jikkollabora fl-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta’ Zaragoza bis-saħħa ta’ opinjoni dwar l-indikaturi taċ-ċittadinanza attiva.

5.   Il-governanza fil-bliet

5.1

Il-preambolu tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali  (21) tal-1985 jgħid li d-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-affarijiet pubbliċi huwa wieħed mill-prinċipji demokratiċi li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat bl-aktar mod dirett fil-livell lokali.

5.2

Il-Konvenzjoni Nru 144 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992)  (22) tisħaq li l-parteċipazzjoni attiva tal-barranin ittejjeb l-iżvilupp u l-prosperità tal-komunità lokali. Il-konvenzjoni twissi li għandha tiġi garantita l-libertà ta’ espressjoni, ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni għall-barranin, li għandhom jiġu promossi l-kunsilli konsultattivi biex jirrappreżentaw lir-residenti barranin fil-livell lokali, u fl-aħħar nett li għandu jiġi promoss id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali. Madankollu, dan l-istrument ġie ffirmat minn ftit Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, u għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikawh.

5.3

Il-Karta Ewropea dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-belt  (23), adottata f’St. Denis fl-2000 minn aktar minn 70 belt Ewropea, tisħaq li l-belt hija l-ispazju politiku u soċjali għal demokrazija aċċessibbli. Il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tiddefinixxi l-belt. Il-bliet firmatarji tal-Karta jimpenjaw ruħhom li jagħrfu d-dritt tal-parteċipazzjoni fil-ħajja lokali permezz tal-elezzjoni ħielsa u demokratika tar-rappreżentanti lokali, mingħajr distinzjoni bejn ċittadini barranin u dawk nazzjonali, u huwa propost li d-dritt tal-vot attiv u passiv jiġi estiż għal dawk li ilhom joqogħdu mill-inqas sentejn fil-belt. Fid-dawl tal-limiti imposti mil-leġislazzjonijiet nazzjonali, huma jitolbu li tiġi promossa d-demokrazija billi ċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-komunità lokali (permezz ta’ dibattiti pubbliċi, referendi muniċipali, laqgħat pubbliċi, azzjonijiet pubbliċi, eċċ.).

5.4

Fl-2003, il-membri tan-netwerk Eurocities, magħmul minn 128 belt Ewropea kbira, adottaw il-“Kontribut għall-governanza tajba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil” (24). Din il-Karta, li tħejjiet mill-bliet għall-bliet stess, tinkludi prinċipji ġenerali dwar kif tiġi indirizzata l-integrazzjoni. Tirrikonoxxi li l-politiki lokali ta’ integrazzjoni huma aktar effikaċi meta jkunu appoġġjati mill-komunità kollha.

5.5

Il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) huwa partikolarment proattiv fil-qasam tal-integrazzjoni permezz tat-tfassil ta’ diversi opinjonijiet (25). Fihom jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fit-tħejjija, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta’ integrazzjoni, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala atturi prinċipali fl-iżvilupp tagħha (26). Il-KtR jinnota wkoll l-importanza tar-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-integrazzjoni tal-immigranti, u qiegħed jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea.

5.6

Il-KESE adotta opinjoni (27) fuq inizjattiva proprja mmirata lejn il-Konvenzjoni li fasslet it-Trattat Kostituzzjonali li ma kellux suċċess, sabiex tingħata ċ-ċittadinanza Ewropea lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom statut ta’ resident għal perjodu twil. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew jadottaw inizjattivi ġodda sabiex l-immigranti permanenti jkunu jistgħu jiksbu d-drittijiet taċ-ċittadinanza, speċjalment fil-livell lokali.

5.7

It-Tieni Manwal tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u għall-professjonisti (28) jirrakkomanda li jsir investiment fil-mobilizzazzajoni u l-organizzazzjoni soċjali, fl-istrutturi tal-komunikazzjoni u d-djalogu, u fit-tisħiħ tan-netwerks ta’ integrazzjoni lokali.

5.8

L-inizjattiva “Bliet Intelliġenti” (Smart Cities) (29) inħolqot fl-2007 bħala strument għall-evalwazzjoni kontinwa u fiha jipparteċipaw 70 belt Ewropea ta’ daqs medju li jikkondividu l-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma tal-ekonomija, il-persuni, il-governanza, il-mobilità, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Jintużaw diversi indikaturi. Il-KESE jipproponi li fir-rigward tal-indikaturi għall-persuni u tal-governanza jitqiesu l-proposti ta’ din l-opinjoni.

5.9

L-inizjattiva tal-Bliet Interkulturali (ICC) hija azzjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni Ewropea li nħolqot matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali fl-2008. L-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ mudell tal-integrazzjoni interkulturali fil-komunitajiet urbani kkaratterizzati mid-diversità. Din l-azzjoni tifhem l-interkulturaliżmu bħala kunċett li jippromovi politiki u prattiki li jsaħħu l-interazzjoni, il-fehim u r-rispett bejn kulturi u gruppi etniċi differenti.

5.10

Fid-dokument bit-titolu “Iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni fil-belt interkulturali” (30), il-programm ICC janalizza l-metodi u l-proċeduri li l-bliet jistgħu jadottaw biex iżidu d-djalogu interkulturali u l-interazzjoni. Id-dokument itenni l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992), u jipprovdi approċċ kreattiv billi jirrakkomanda forom aktar flessibbli ta’ konsultazzjoni f’kuntesti informali. Dan hu approċċ komplementari u siewi għall-istrateġiji ta’ governanza fit-tul ibbażati fuq il-korpi konsultattivi.

5.11

Bħalissa għadd sabiħ ta’ Stati Membri jiggarantixxu (totalment jew parzjalment) id-dritt tal-vot għaċ-ċittadini barranin: il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Madankollu, il-popolazzjoni barranija ftit tipparteċipa b’mod attiv. Għalhekk, il-KESE jemmen li hemm bżonn jiġu promossi azzjonijiet pubbliċi bil-kollaborazzjoni tas-soċjetà ċivili sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom.

5.12

Skont il-MIPEX III, fl-Ewropa ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu joħorġu bħala kandidati muniċipali fi 13-il pajjiż, jivvotaw fl-istess elezzjonijiet f’19-il pajjiż, jivvotaw fl-elezzjonijiet reġjonali f’seba’ pajjiżi u fl-ezzjonijiet nazzjonali f’żewġ pajjiżi (il-Portugall u r-Renju Unit). Kif diġà ġie enfasizzat, jeżistu korpi konsultattivi statali fi 11-il pajjiż u korpi konsultattivi lokali fi 15-il wieħed.

5.13

L-informazzjoni tal-MIPEX III tinkludi indikazzjonijiet importanti ħafna, mhux biss fuq il-pajjiżi li jikkonsultaw lill-immigranti, iżda wkoll fuq l-iżvilupp ta’ politiki ġenwini tal-integrazzjoni. Il-pajjiżi li għandhom strutturi konsultattivi b’saħħithom huma dawk li jiggarantixxu l-libertajiet politiċi għal kulħadd, jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili ta’ oriġini immigranti b’fondi ekonomiċi suffiċjenti, jestendu d-drittijiet tal-vot u ċ-ċittadinanza sħiħa, u jaħdmu aktar biex jippromovu l-parteċipazzjoni sħiħa tar-residenti kollha f’sistemi konsultattivi dwar l-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Fil-MIPEX jingħad li l-korpi konsultattivi ma jeħdux post id-drittijiet tal-vot.

5.14

Il-kunsilli konsultattivi l-aktar b’saħħithom fl-Ewropa huma dawk li ilhom joperaw l-aktar (xi wħud ilhom mis-snin 70 u 80), u jinsabu f’dawk il-pajjiżi bl-akbar tradizzjoni ta’ immigrazzjoni. Mill-banda l-oħra, l-aktar dgħajfa jinsabu fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa fejn l-immigrazzjoni hija fenomenu aktar reċenti. Is-sistemi fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, li bdew jirċievu l-immigranti dan l-aħħar, huma sottożviluppati.

5.15

L-analiżi ta’ dawn il-pjattaformi fid-dawl tal-kriterji tal-Kunsill tal-Ewropa (31) tikkonkludi li l-ħolqien u l-permanenza ta’ dawn l-istrutturi m’għandhomx jiddependu mir-rieda tal-awtoritajiet u l-gvernijiet, iżda għandhom bżonn dispożizzjonijiet legali speċifiċi. Għandhom ikunu jistgħu jadottaw l-inizjattivi u jirċievu r-risposti u l-informazzjoni fuq dawk l-oqsma li ġew ikkonsultati dwarhom: mill-kummenti li saru waqt il-ħames Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, normalment dan ma jkunx il-każ. Għandhom ikunu strutturi rappreżentattivi bi tmexxija ċara mill-immigranti u għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji (32). Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti r-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tan-nisa.

5.16

Fil-qafas tat-tħejjija tal-opinjoni, nhar it-30 ta’ Marzu 2011 saret seduta f’Valenzja organizzata bejn il-KESE u l-gvern reġjonali ta’ Valenzja dwar il-“Kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”. Fid-diskorsi differenti ġew ippreżentati l-esperjenzi fil-qasam tal-konsultazzjoni u tal-parteċipazzjoni minn Ruma (l-Italja), ir-Reġjun tal-Fjandri (il-Belġju), Strasburgu (Franza), Dublin (l-Irlanda), il-Land ta’ Hessen (il-Ġermanja), Aarhus (id-Danimarka) u Valenzja (Spanja). Din l-opinjoni tinkludi ħafna mill-esperjenzi u l-kunsiderazzjonijiet li ssemmew fil-laqgħa.

5.17

Il-KESE jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ assoċjazzjoni tal-persuni ta’ oriġini immigranti, għaliex liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-leġislazzjonijiet nazzjonali jagħtuhom statut ta’ ċittadinanza limitata (rikonoxximent insuffiċjenti u inugwali tad-dritt tal-parteċipazzjoni politika permezz tad-dritt tal-vot). L-assoċjazzjonijiet jippromovu l-parteċipazzjoni organizzata, isaħħu n-netwerks ta’ solidarjetà, isaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-benesseri taċ-ċittadini u huma ta’ benefiċċju għall-komunità kollha.

5.18

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu l-ħolqien ta’ assoċjazzjonijiet, speċjalment tal-immigranti, u t-tisħiħ tagħhom permezz ta’ riżorsi tekniċi (pariri dwar il-ġestjoni tal-assoċjazzjoni, tad-demokrazija, tal-ekonomija, tal-finanzi u tal-komunikazzjoni, azzjonijiet ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta’ tmexxija speċjalment tan-nisa immigranti, promozzjoni ta’ forums u netwerks, skambju tal-prattiki tajba; eċċ.), riżorsi finanzjarji (sussidji, ftehimiet u għoti ta’ kuntratti għall-provvista tas-servizzi), riżorsi materjali (infrastrutturi għall-awtoritajiet lokali u riżorsi bażiċi biex jitwettqu l-attivitajiet), u attenzjoni speċjali għall-azzjonijiet b’rabta mal-inklużjoni diġitali.

5.19

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu l-inklużjoni tal-immigranti fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala membri u bħala diretturi. L-assoċjazzjonijiet tar-residenti, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri fl-istabbilimenti edukattivi, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa, l-assoċjazzjonijiet kulturali, sportivi, ta’ rikreazzjoni u tal-ħin liberu, il-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins u tan-negozji huma partikolarment importanti. L-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins fl-Ewropa għandhom tradizzjoni kbira ta’ sħubija u parteċipazzjoni min-naħa tal-ħaddiema ta’ oriġini immigranti, u fost il-membri tagħhom teżisti diversità etnika u kulturali kbira. Huma jaqdu rwol kruċjali fil-medjazzjoni soċjali.

5.20

Għandha tiġi ffaċilitata wkoll ir-relazzjoni bejn l-assoċjazzjonijiet tal-immigranti u l-bqija tas-soċjetà ċivili organizzata, billi jiġi promoss il-ħolqien ta’ netwerks ibbażati fuq għanijiet soċjali komuni għaċ-ċittadini kollha (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, l-ippjanar tal-belt u l-iżvilupp urban). Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat hija opportunità biex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-organizzazzjonijiet.

5.21

Dawn għandhom diversi forom fl-UE: forums, pjattaformi jew kunsilli konsultattivi, gruppi ta’ djalogu. It-Tielet Manwal dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki pubbliċi jgħid li pjattaforma ta’ djalogu hija spazju ċiviku li fih jista’ jibda l-iskambju miftuħ u rispettuż tal-fehmiet bejn l-immigranti, mar-residenti l-oħra jew mal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-għan huwa li l-parteċipanti jiżviluppaw perċezzjoni komuni u fiduċja reċiproka.

5.22

Il-KESE jemmen li l-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni għandu jaħdem f’netwerk mal-forums u l-kunsilli konsultattivi li jeżistu fl-UE. Fl-Istati Membri wkoll, il-forums lokali u reġjonali għandhom jistabbilixxu n-netwerks. (Huwa interessanti ħafna l-każ tad-Danimarka fejn il-kunsill tal-minoranzi etniċi fil-livell nazzjonali huwa magħmul minn 14-il membru eletti mit-42 forum lokali).

5.23

Il-KESE jixtieq iħeġġeġ bliet aktar demokratiċi fl-Ewropa, billi jippromovi ċittadinanza komuni marbuta mar-residenza fil-belt (iċ-ċittadinanza urbana, fi kliem il-Viċi Sindku ta’ Rotterdam), fid-dawl tal-fatt li l-belt hija l-aktar post importanti fejn jiżviluppa s-sentiment kondiviż ta’ appartenenza bejn persuni differenti. Il-parti l-kbira tal-immigranti jidentifikaw lilhom innifishom l-ewwel mal-belt fejn joqogħdu qabel ma jagħmlu dan mal-Istat. Huwa fuq kollox fil-belt li r-residenti kollha jaqsmu l-problemi, il-pjani u l-ħolm tagħhom.

6.   Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni

6.1

Il-ħames Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni ddiskuta l-funzjonament tal-Fond fil-kuntest tal-evalwazzjoni intermedja li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea. B’konformità mal-konklużjonijiet ta’ din id-diskussjoni, il-KESE jipproponi li:

6.1.1

Għandha tingħata prijorità lill-prinċipju tal-kooperazzjoni previst fl-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Fond. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni (ex post) tal-programm multiannwali u l-użu tal-Fond fil-livell nazzjonali.

6.1.2

Ir-regoli u l-proċeduri attwali tal-Fond huma kumplessi wisq u joħolqu barrieri amministrattivi li jostakolaw il-finanzjament kemm tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-awtoritajiet reġjonali u lokali (33). Il-KESE jirrakkomanda li dawn ir-regoli jiġu riveduti f’kooperazzjoni mal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u fil-kuntest tal-prinċipju tal-kooperazzjoni, b’mod speċjali dawk ir-regoli relatati mal-kriterji tal-aċċess, il-kofinanzjament, it-trasparenza u l-persuni. Il-KESE jaħseb li sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-Fond, jeħtieġ li l-proġetti kollha ffinanzjati jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-ewwel prinċipju bażiku komuni: “l-integrazzjoni hija proċess […] fuq żewġ binarji”.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6.

(2)  ĠU C 248, 25.8.2011, p.135.

(3)  ĠU C 125, 27/5/2002, p.112. (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Dokument tal-Kunsill 14615/04: Prinċipji Bażiċi Komuni adottati mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-Istati Membri nhar id-19 ta’ Novembru 2004.

(5)  COM(2005) 389 finali. Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni – Qafas għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea.

(6)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(7)  R. Gropas u R. Zapata-Barrero (2011) “Active immigrants in multicultural contexts: democratic challenges in Europe” (Immigranti attivi f’kuntesti multikulturali: l-isfidi demokratiċi fl-Ewropa), f’A. Triandafyllidou, T. Modood, u N. Meer, European Multiculturalism(s): Cultural, religious and ethnic challenges (Il-multikulturaliżmu(/i) fl-Ewropa: Sfidi kulturali, reliġjużi u etniċi). Edinburgh: Edinburgh University Press.

(8)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Migrant Integration Policy Index III (Indiċi tal-Politika tal-Integrazzjoni tal-Migranti), 2011.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(12)  Kunsill tal-UE, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.

(13)  Karta Soċjali Ewropea. Turin, 18 ta’ Ottubru 1961. Kunsill tal-Ewropa (Strasburgu). Riveduta: Strasburgu, 3.V. 1996 http://www.coe.int/t/dghl/monitoring/socialcharter/.

(14)  ĠU C 354, 28.12.2010, p.59.

(15)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(16)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010, p.1). Punt 6.1.5.

(17)  Consulting immigrants to improve nacional policies (Il-konsultazzjoni mal-immigranti biex jittejbu l-politiki nazzjonali), Il-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni.

(18)  15 u 16 ta’ April 2010.

(19)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19, u ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(20)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.6.

(21)  Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Ġunju 1985 u miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri nhar il-15 ta’ Ottubru 1985, l-ewwel jum tal-20 sessjoni tal-CLRAE.

(22)  Convention on the Participation of Foreigners in Public Life at Local Level. Strasbourg, 5.II.1992.

(23)  Karta Ewropea dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-belt, 18.5.2000.

(24)  Kontribut għall-governanza tajba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil, 28.11.2003.

(25)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa” (2009/C 76/07).

(26)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-Tisħiħ tal-Approċċ Globali lejn il-Migrazzjoni: Żieda fil-Koordinazzjoni, il-Koerenza u s-Sinerġiji” (2009/C 211/05).

(27)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  Handbook on integration for policy-makers and practitioners (Manwal dwar l-integrazzjoni għal dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u għall-professjonisti), it-tieni edizzjoni, Mejju 2007.

(29)  http://www.smart-cities.eu/

(30)  http://www.coe.int/t/dg4/cultureheritage/culture/Cities/paperviarregio_en.pdf.

(31)  Konvenzjoni Nru 144 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali (1992).

(32)  Consulting immigrants to improve nacional policies (Il-konsultazzjoni mal-immigranti biex jittejbu l-politiki nazzjonali), Thomas Huddleston, il-Grupp dwar il-Politika tal-Migrazzjoni.

(33)  Ara S. Carrera u A. Faure Atger (2011), Integration as a two-way process in the EU: Assessing the Relationship between the European Integration Fund and the Common Basic Principles on Integration, Executive Summary, (L-integrazzjoni bħala proċess fuq żewġ binarji fl-UE: Nassessjaw ir-relazzjoni bejn il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika ta’ integrazzjoni, Sommarju Eżekuttiv) Centre for European Policy Studies, CEPS: Brussell. Disponibbli hawnhekk: http://www.ceps.eu/system/files/research_area/2011/02/CEPS_EIF_study_summary.pdf.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-473 sessjoni plenarja fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima”

COM(2011) 25 finali

2011/C 318/12

Relatur: is-Sur ZBORIL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar it-2 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima

COM(2011) 25 finali.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dokument tal-Kummissjoni COM(2011) 25 finali “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” u l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Materja Prima (RMI – Raw Materials Initiative) bħala pass importanti biex tiġi affrontata din il-kwistjoni essenzjali.

1.2   Għalkemm m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandna naħsbu li jeżisti xi periklu fit-tul ta’ tnaqqis globali tal-istokkijiet ta’ kwalunkwe materja prima kritika essenzjali, teżisti theddida reali ta’ nuqqasijiet fil-futur qarib. Dan in-nuqqas jista’ jiġi kkawżat minn fatturi politiċi jew ekonomiċi, jekk xi materja prima, meħtieġa għall-produzzjoni ta’ teknoloġija avvanzata tal-UE, tiġi prodotta biss fi ftit pajjiżi. Hemm volumi suffiċjenti ta’ riżorsi li jistgħu jintużaw biex jibdlu l-provvista attwali u jistgħu jiġu estratti f’diversi pajjiżi, pereżempju l-Awstralja, id-Danimarka (il-Groenlandja) u l-Istati Uniti; iżda, illum il-ġurnata, huwa orħos li wieħed jiddependi mill-katina tal-provvista attwali. Uħud mill-pajjiżi diġà wrew li se jużaw din l-influwenza biex jimponu l-interessi ekonomiċi jew politiċi tagħhom.

1.3   Il-KESE b’hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tissorvelja s-sitwazzjoni fil-kummerċ internazzjonali tal-materja prima kritika (kif elenkati fil-COM(2011) 25 finali u b’aġġornamenti regolari ta’ din il-lista). Il-KESE jirrakkomanda li jitħejjew diversi xenarji plawżibbli, inkluża l-agħar waħda, biex jiġu deskritti t-theddidiet u s-soluzzjonijiet potenzjali. Barra minn hekk, aħna nirrikonoxxu l-ħtieġa li jitkomplew in-negozjati fil-livell internazzjonali (id-WTO) biex jiġi promoss il-kummerċ ħieles anke fis-swieq tal-prodotti bażiċi. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra f’sitwazzjoni simili (l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel).

1.4   Il-KESE jħeġġeġ politika barranija iktar attiva fir-rigward tas-sigurtà tal-materja prima għall-industrija tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu u jilħqu ftehim dwar linji gwida ewlenin dwar id-diplomazija fil-qasam tal-materja prima. Ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali u d-diplomazija huma verament importanti biex tiġi żgurata l-materja prima kritika għall-industrija bbażata fl-UE. Dawn jirrappreżentaw sfida immedjata u diffiċli għas-servizz diplomatiku tal-UE stabbilit reċentement. Jeħtieġ li jkun hemm mhux biss enfasi diretta fuq l-iżgurar tal-materja prima essenzjali iżda wkoll li jinħoloq ambjent pożittiv għall-interessi tal-UE fil-pajjiżi kkonċernati. Għandu jittieħed vantaġġ mill-fatt li l-UE tinsab fost l-iktar swieq popolari u importanti tad-dinja.

1.5   Il-politika dwar il-materja prima għandha tifforma komponent integrali tal-politika industrijali tal-UE:

Sabiex tippromovi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi kemm ta’ sorsi tal-enerġija primarji kif ukoll ta’ materja prima bil-għan li t-tkabbir ma jibqax marbut mal-konsum tar-riżorsi.

Sabiex tkun stabbilita politika konsistenti ta’ estrazzjoni urbana li għandha l-għan li tirkupra u tagħmel disponibbli riżorsa bħal din ta’ materja prima ta’ valur u biex jiġu promossi l-ħiliet u l-impjiegi ġodda relatati.

Sabiex jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp dwar il-possibilitajiet ta’ sostituzzjoni tal-materja prima kritika.

Sabiex jinżammu u jiżdiedu l-impjiegi fis-settur tal-estrazzjoni Ewropew u jiġu żgurati l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu tal-forza tax-xogħol, u sabiex takkumpanja t-tranżizzjoni għal attivitajiet ta’ estrazzjoni iktar sostenibbli permezz ta’ djalogu soċjali fil-livelli kollha.

1.6   Il-KESE jaħseb li l-ħolqien ta’ akkumulazzjoni strateġika ta’ stokk tal-materja prima kritika hija waħda mis-soluzzjonijiet potenzjali u jirrakkomanda li ssir valutazzjoni tal-impatt biex tiġi stabbilita l-fattibilità ta’ din il-possibilità fid-dawl tal-agħar xenarju possibbli. Tali miżura jista’ jkollha wkoll effetti sekondarji negattivi (pereżempju livell insuffiċjenti ta’ flessibilità, impatt fuq il-prezz tal-prodotti bażiċi, eċċ.) u għandha tiġi studjata b’mod għaqli filwaqt li jsiru konsultazzjonijiet u deċiżjonijiet meħuda mar-rappreżentanti tal-industrija tal-UE.

1.7   Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ inizjattivi biex jiġu appoġġjati r-riċerka, il-ġbir tad-data u l-monitoraġġ, li għandhom jiffukaw fuq ir-riżorsi tal-materja prima attwali jew potenzjali fl-Istati Membri iżda wkoll fil-pajjiżi terzi. Id-data miksuba minn din ir-riċerka jew minn dan il-ġbir tad-data, permezz ta’ finanzjament pubbliku, għandha tkun aċċessibbli għall-atturi tas-suq tal-UE kollha u għall-awtoritajiet nazzjonali u dawk tal-UE.

1.8   Il-Kumitat iqis ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala fattur kruċjali tal-politika dwar il-materja prima. Biex isir progress li jagħti riżultati tajbin jinħtieġ is-sehem tas-setturi tal-manifattura elwenin (ETPs (Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej) – inizjattiva ta’ sħubija relatata mal-materja prima fil-qafas tal-Komunikazzjoni tal-KE “Unjoni tal-Innovazzjoni”). Il-politika dwar il-materja prima għandha tiġi riflessa bħala prijorità tat-Tmien Programm Qafas li jmiss dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi appoġġjata l-estrazzjoni tal-materja prima, attwali jew ġdida, fl-Istati Membri, liema estrazzjoni għandha tkun konformi mal-leġislazzjoni ambjentali, soċjali u tas-saħħa u s-sikurezza tal-UE. Il-provvista domestika għandha tkun fost il-pilastri tal-politiki kollha dwar il-materja prima.

1.10   Il-KESE jappoġġja r-riċiklaġġ tal-materja prima u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-ogħla livell tar-rata tar-riċiklaġġ, meta dan ikun ekonomikament u teknikament fattibbli. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi appoġġjata l-estrazzjoni mill-iskart antik tat-tħaffir fil-minjieri, li fih volum sinifikanti ta’ firxa wiesgħa ta’ metalli differenti.

1.11   Il-Kumitat jappoġġja l-miżuri għar-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-prodotti bażiċi implimentati mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li ssaħħaħ it-trasparenza, ittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni u ttejjeb il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza.

2.   Id-dokument tal-Kummissjoni, introduzzjoni

2.1   Il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument COM(2011) 25 finali “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” fit-2 ta’ Frar 2011. Id-dokument ma jkoprix biss l-isfidi tal-materja prima kif kien previst inizjalment. Issa huma koperti wkoll is-swieq tal-prodotti bażiċi, kemm dawk fiżiċi fejn tinbiegħ il-materja prima kif ukoll is-swieq finanzjarji derivati minnhom.

2.2   Prodott bażiku huwa kwalunkwe prodott b’valur miżjud baxx u għalhekk huwa affettwat ħafna mill-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Il-materja prima, il-prodotti agrikoli u dawk fundamentali huma prodotti bażiċi. F’dawn l-aħħar snin is-swieq tal-prodotti bażiċi żdiedu fil-volatilità u kien hemm bdil mingħajr preċedent fil-prezzijiet.

2.3   Filwaqt li d-dibattitu dwar l-importanza relattiva tad-diversi fatturi li jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-prodotti għadu miftuħ, jidher ċar li l-bidliet fil-prezzijiet fi swieq differenti ta’ prodotti għandhom rabta iktar fil-qrib, bl-istess mod li s-swieq tal-prodotti bażiċi sar għandhom mas-swieq finanzjarji.

2.4   Is-snin mill-2002 sal-2008 kienu kkaratterizzati minn żieda kbira fid-domanda għall-materja prima, li kienet immexxija minn tkabbir ekonomiku globali b’saħħtu, b’mod partikolari fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, iżda anke f’pajjiżi żgħar oħra li għadhom qed jiżviluppaw fl-Asja, fl-Amerika u, b’mod partikolari, fl-Afrika. Din iż-żieda fid-domanda se tissaħħaħ iktar permezz tar-rata iżjed mgħaġġla tal-industrijalizzazzjoni u l-urbanizzazzjoni f’dawn il-pajjiżi.

2.5   Minbarra l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi, f’dawn l-aħħar snin, xi pajjiżi introduċew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċerta materja prima essenzjali bħall-elementi metalliċi rari (pereżempju l-praseodimju u n-neodimju u xi elementi u minerali oħra li jitqiesu importanti minħabba li qed jintużaw aktar fit-teknoloġiji l-ġodda). Dawn ir-restrizzjonijiet, kif ukoll ostakli oħra fil-provvista sostenibbli tal-materja prima, joħolqu sfida reali għall-industrija u l-konsumaturi Ewropej u jeħtieġ li jiġu indirizzati.

2.6   Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti bażiċi globali u tispjega l-bidliet fis-swieq fiżiċi (l-enerġija, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-materja prima) u l-interdipendenza li dejjem qed tiżdied fis-swieq tal-prodotti bażiċi u fis-swieq finanzjarji relatati. Ir-reazzjonijiet politiċi tal-UE huma enfasizzati fuq il-bażi tal-istess struttura loġika.

2.7   Fil-livell tal-UE, kien hemm inizjattiva biex jiżdiedu s-sorveljanza, l-integrità u t-trasparenza tal-kummerċ fis-swieq tal-enerġija. Kien hemm ukoll għadd ta’ inizjattivi biex jittejjeb il-funzjonament tal-katina alimentari u t-trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi agrikoli. Bħala parti mir-riformi li għaddejjin bħalissa tal-qafas regolatorju għas-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni identifikat ukoll miżuri li jżidu l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tad-derivati ta’ prodotti.

2.8   L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Materja Prima (RMI) hija parti kruċjali tad-dokument. Hija msejsa fuq tliet pilastri:

li tiżgura livell ekwu fl-aċċess għal riżorsi f’pajjiżi terzi;

li trawwem provvista sostenibbli ta’ materja prima minn sorsi Ewropej;

li tagħti spinta lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tippromovi r-riċiklaġġ.

Hija teżamina r-riżultati miksuba s’issa fl-identifikazzjoni ta’ materja prima kritika, u fl-oqsma tal-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u r-riċiklaġġ.

2.9   Minkejja li sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-RMI, jeħtieġ li jkun hemm iżjed titjib. Huwa essenzjali li jkun hemm metodu integrat imsejjes fuq it-tliet pilastri, peress li kull wieħed jikkontribwixxi lejn l-għan li jkun hemm provvista ġusta u sostenibbli ta’ materja prima fl-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni dwar il-materja prima u l-komunikazzjoni li tiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-ħidma analitika estensiva dwar dan is-suġġett. Aħna napprezzaw ukoll ir-riflessjonijiet li saru b’rabta mal-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati u l-kontributi li taw korpi oħra tal-UE involuti.

3.2   L-Ewropa għandha ssib postha f’dinja ġdida fejn l-ekonomiji emerġenti se jikkunsmaw proporzjon ikbar ta’ materja prima disponibbli fid-dinja bħalma jiġri fil-pajjiżi żviluppati. Nafu li dan huwa impossibbli u l-Ewropa se jkollha tnaqqas l-użu intensiv ta’ materja prima. L-ewwel manifestazzjoni ta’ din ir-realtà hija li l-prezzijiet tal-materja prima industrijali huma stabbiliti mis-suq Ċiniż li huwa l-ikbar konsumatur fid-dinja u fl-istess ħin sikwit ikun ukoll l-ewwel produttur. Il-konsegwenza ta’ din id-dominanza se tkun il-ħolqien ta’ swieq ġodda ta’ materja prima (swieq ta’ konsenja immedjata (spot markets) u ta’ xiri fil-futur (futures)) fiċ-Ċina fis-snin li ġejjin. Kulma jmur, dawn is-swieq huma l-punt ta’ referenza tas-settur.

3.3   Il-politika dwar il-materja prima għandha tkun element integrali tal-politika industrijali tal-UE:

biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi kemm tas-sorsi tal-enerġija primarja kif ukoll tal-materja prima biex it-tkabbir ma jibqax marbut mal-konsum tar-riżorsi.

biex ikun hemm politika konsistenti ta’ tħaffir fil-minjieri urbani li jkollha l-għan li tirkupra din ir-riżorsa ta’ materja prima ta’ valur u titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd u li tippromwovi ħiliet u impjiegi ġodda relatati.

biex jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp dwar il-possibilitajiet ta’ sostituzzjoni ta’ materja prima kritika (il-Ġappun diġà nieda dan it-tip ta’ programm).

biex jinżammu u jiżdiedu l-impjiegi fis-settur tal-estrazzjoni Ewropew filwaqt li jiġu żgurati l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema u filwaqt li t-tranżizzjoni lejn attivitajiet ta’ estrazzjoni iktar sostenibbli tiġi akkumpanjata mid-djalogu soċjali fil-livelli kollha.

għaliex il-politika tal-akkwist tal-materja prima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fil-pajjiżi Afrikani, għandha tkun marbuta mal-investiment fi kwistjonijiet soċjali u fl-infrastrutturi f’dawn il-pajjiżi (bħalma qed tagħmel iċ-Ċina fl-Afrika f’dawn l-aħħar snin).

3.4   Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni tas-swieq tal-prodotti bażiċi, u sa ċertu punt anke tas-swieq finanzjarji, ma tippermettix li l-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-problema. Il-Kumitat jifhem il-ħtieġa li tingħata stampa usa’ tal-kwistjoni. Huwa jistaqsi iżda jekk il-qafas ġiex stabbilit b’mod proporzjonat.

3.5   Huwa ċar li s-swieq tal-prodotti bażiċi, kemm dawk fiżiċi kif ukoll is-swieq tad-derivati ta’ prodotti, għandhom diversi aspetti li jixxiebhu, iżda huma differenti ħafna minn xulxin, anke minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Il-kapaċità tal-akkwist bħala blokk (l-UE) għandha tipprovdi argument b’saħħtu ħafna, għalkemm il-politika tal-kummerċ speċifika u n-negozjati dwar l-akkwist fil-biċċa l-kbira tagħhom jitwettqu f’livell bilaterali.

3.6   Hija ċara l-ħtieġa li strateġija komuni tal-UE tiġi riflessa fin-negozjati bilaterali u, għaldaqstant, il-kunċett ta’ diplomazija fil-materja prima għandu jingħata spinta f’termini prattiċi. Il-KESE jwissi li minbarra l-kwistjonijiet primarji, hemm oħrajn sekondarji, bħall-ħolqien ta’ ambjent psikoloġiku pożittiv, li wkoll għandhom rwol importanti. L-Ewropa għandha tiddefinixxi l-linji gwida ewlenin tad-diplomazija l-ġdida dwar il-materja prima u dawn għandhom jinkludu:

It-tkomplija tal-ħidma b’rabta mal-inizjattiva ta’ Tony Blair għat-trasparenza fl-industriji estrattivi (2003) biex jiġi promoss l-iffirmar volontarju ta’ kull pajjiż Ewropew,

Ir-rekwiżit li kull intrapriża estrattiva (li hija elenkata fil-borża Ewropea) tippubblika l-qligħ tagħha għal kull pajjiż (bħalma għamel Ħong Kong f’Ġunju 2010),

L-adozzjoni ta’ liġi biex l-industrija estrattiva tiġi obbligata tippubblika l-ħlas tagħha lil kull gvern u stat (fuq il-bażi tal-liġi Dodd-Frank li l-Istati Uniti adottat fl-2010),

Il-linji gwida tal-OECD għall-korporazzjonijiet multinazzjonali għandhom jitqiesu bħala kodiċi ta’ kondotta standard u

Ir-rekwiżit li jiġi adottat l-istandard ISO 26 000 bil-għan li jsir progress lejn livell ogħla ta’ responsabilità soċjali tal-intrapriżi fil-livell mikroekonomiku.

3.7   L-istrateġija tal-materja prima ffokata għandu jkollha għan wieħed – li jkun hemm industrija b’saħħitha u kompetittiva ħafna li topera fl-Ewropa, mhux biss b’użu effiċjenti ħafna tal-karbonju iżda wkoll billi jsir użu intelliġenti tar-riżorsi, u maħsuba biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE.

3.8   Ir-reġjun tagħna kulma jmur qed jiċkien fil-livell globali u, għaldaqstant, m’għadniex nistgħu naċċessaw il-materja prima li neħtieġu daqshekk faċilment bħalma konna nagħmlu qabel, billi hemm oħrajn li saru jeħtiġuhom ukoll. Għaldaqstant, neħtieġu nkunu intelliġenti d-doppju fl-użu tal-materja prima li għandna għad-dispożizzjoni tagħna jew ta’ dik li nġibu minn bnadi oħra. Il-politika dwar il-materja prima tassew tikkonċerna l-futur tas-soċjetà tagħna u saħansitra s-sigurtà nazzjonali – bħalma huwa l-każ fl-Istati Uniti.

3.9   Ir-raġuni għalfejn jeħtieġ tiġi żviluppata politika tal-UE dwar il-materja prima turi, minnha nnifisha, li ma nistgħux nibbażaw ruħna fuq il-ksib tal-materja prima biss biex l-Ewropa tikber. Għandna nużaw il-materja prima b’mod intelliġenti: dan ifisser li għandu jinħoloq l-ogħla valur miżjud għal kull tunnellata ta’ materjal li nużaw.

3.10   Hemm ukoll aspetti oħra marbuta ma’ qafas ta’ politika koerenti fil-qasam tal-materja prima li ma ġewx ikkunsidrati, minkejja l-fatt li l-impatt tagħhom fuq id-disponibilità tal-materja prima jista’ jkun saħansitra ikbar. Wieħed minn dawn l-aspetti huwa pereżempju l-koerenza ta’ din il-politika ma’ politiki oħrajn tal-UE, li għandhom ikunu wkoll koerenti ma’ xulxin sabiex jiġu evitati konflitti mad-disponibilità tal-materja prima.

3.11   Il-politika dwar il-materja prima u l-implimentazzjoni tagħha kemm fil-livell tal-UE, u anke fil-livell tal-Istati Membri, jeħtieġu koerenza assoluta mal-politika industrijali, il-politika tal-innovazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-politika ambjentali, il-politika u l-miżuri agrikoli, l-enerġija u, b’mod partikolari, il-politika tal-enerġija rinnovabbli, il-kummerċ u l-kompetizzjoni. Din il-perspettiva integrata tippermetti lill-industrija tal-UE tuża l-materja prima li teħtieġ, b’mod intelliġenti u sostenibbli, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020.

3.12   Mhuwiex biżżejjed li l-politika dwar il-materja prima tkun ibbażata fuq il-kritikalità fuq perjodu ta’żmien qasir ta’ xi materja prima. L-effetti ta’ ċerti politiki tal-UE fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul għandhom jiġu analizzati bir-reqqa u għandhom jiġu vvalutati l-impatti tagħhom fuq il-materja prima. Parti mill-materja prima bażika li llum il-ġurnata tinstab faċilment tista’ ssir skarsa f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir. Tipi ta’ materja prima importanti (pereżempju l-minerali tal-ħadid u l-faħam tal-kokk) ma ġewx inklużi fil-Komunikazzjoni, għalkemm huwa previst li d-disponibilità tagħhom fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti dalwaqt se tkun fil-periklu. Barra minn hekk, il-volatilità u ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tagħhom jirrappreżentaw element ta’ inċertezza għall-ktajjen ta’ valur tas-setturi tal-manifattura Ewropej ewlenin.

3.13   Pereżempju, jekk il-miri obbligatorji tal-enerġija rinnovabbli kellhom jibqgħu kif inhuma, l-industriji klassiċi u dawk bijoloġiċi żviluppati reċentement se jitqiegħdu f’periklu. Dan jagħti lok għal diskussjoni ħafna iktar kumplessa fuq is-sostenibilità, is-sostituzzjoni u l-użu intelliġenti tar-riżorsi. Neħtieġu l-kuraġġ fil-livell politiku biex niddiskutu dawn il-kwistjonijiet u biex nirrikonċiljaw politiki diverġenti b’mod simili. Jekk ikun hemm bżonn, l-UE għandu jkollha l-kuraġġ li tirrivedi deċiżjonijiet meħuda s’issa fid-dawl tal-valutazzjonijiet tal-impatt olistiċi li jivvalutaw bir-reqqa l-konsegwenzi aħħarija ta’ objettivi ambjentali ambizzjużi, b’mod speċjali fejn deċiżjonijiet tal-UE ma kinux akkumpanjati minn miżuri korrispondenti minn gruppi ekonomiċi oħrajn.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Is-swieq fiżiċi tal-prodotti bażiċi

4.1.1   Bla ebda dubju, il-kompetizzjoni fis-swieq tas-sorsi tal-enerġija primarja (il-gass u ż-żejt, b’mod partikolari) tiġi intensifikata biż-żieda fil-popolazzjoni dinjija (9 biljuni fl-2050). Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed ikun hemm pressjoni fuq is-suq tal-faħam. Għaldaqstant, biex l-UE żżomm l-istandards soċjali u tal-benesseri fl-Istati Membri, is-sorsi tal-enerġija primarja indiġeni kollha għandhom jiġu mmobilizzati, inklużi r-riservi li ġew skoperti reċentement tal-gass tax-“shale”. Naturalment, din il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għandha tissodisfa l-istandards ambjentali tal-UE.

4.1.2   L-elettriku huwa prerekwiżit għall-iżvilupp deċenti tal-bniedem. L-iżvilupp żbilanċjat tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tiegħu u tan-netwerks ta’ trażmissjoni jista’ jwassal għal konsegwenzi katastrofiċi u għall-kollass ekonomiku tal-istrutturi tas-soċjetà. Politika tal-enerġija komuni tal-UE għandha ssolvi l-inkonsistenzi u l-inċertezzi kollha fl-ambitu tal-investiment biex jiġi evitat id-defiċit potenzjali tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku wara s-sena 2020.

4.1.3   Il-KESE jifhem li s-sigurtà tal-provvista tal-ikel fis-swieq volatili hija problema serja; min-naħa l-oħra, il-PAK tal-UE u politiki rilevanti oħra nazzjonali u anke tal-UE għandhom ikunu diretti lejn din is-sigurtà bħala prijorità ewlenija. Il-KESE jitlob biex tiġi protetta l-art għammiela għal skopijiet agrikoli; il-politiki rilevanti kollha għandhom iqisu dan u jitfasslu u jiġu kkoordinati sabiex jiġi evitat li tintilef din l-art, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ politiki jew inizjattivi f’kompetizzjoni bejniethom jew bħala konsegwenza tal-urbanizzazzjoni. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli ġusti anke għall-kummerċ internazzjonali, regoli li jirriflettu l-kundizzjonijiet naturali individwali tar-reġjuni ġeografiċi speċifiċi.

4.1.4   Hija meħtieġa wkoll kooperazzjoni internazzjonali estensiva biex isiru valutazzjoni u distinzjoni bejn it-tendenzi globali u l-fluttwazzjonijiet okkażjonali tas-swieq jew tal-uċuħ tar-raba’. It-tendenzi perikolużi għandhom jiġu evitati.

4.1.5   Għandhom jiġu applikati prinċipji xjentifiċi sodi biex l-ammont ta’ wċuħ tar-raba’ prodott jinżamm u jiżdied, ladarba l-erja tal-art li tinħadem qed tonqos u billi huwa stmat li fl-2050 ikun hemm bżonn li jiġi pprovdut ikel għal popolazzjoni dinjija ta’ madwar 9 biljun persuna.

4.2   Is-swieq tal-prodotti bażiċi u s-swieq finanzjarji relatati

4.2.1   Minkejja li l-Kummissjoni Ewropea nediet sensiela ta’ miżuri għar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji matul dawn l-aħħar snin, il-flussi tal-investiment fis-suq tad-derivati ta’ prodotti bażiċi qed ikomplu jitbiegħdu b’mod konsiderevoli mir-rwol li oriġinarjament kellhom jaqdu – jiġifieri li jkopru r-riskji – u issa qed ikunu diretti lejn operazzjonijiet ta’ natura spekulattiva fuq perjodu qasir ta’ żmien, li jikkawżaw distorsjonijiet kbar fil-prezzijiet u ħsarat serji lill-atturi l-iżjed dgħajfa fis-suq, b’mod partikolari l-konsumaturi u l-SMEs.

4.2.2   Il-Kumitat jikkonferma l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li huwa meħtieġ li l-interazzjoni bejn is-swieq fiżiċi u s-swieq finanzjarji tal-prodotti bażiċi tinftiehem aħjar. Aħna nappoġġjaw ukoll l-inizjattiva rrakkomandata għal iktar trasparenza u saħansitra għar-responsabilità ta’ dawk l-atturi tas-suq li jiksru r-regoli li dwarhom intlaħaq ftehim. Għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament tal-atturi individwali tas-suq, b’mod partikolari l-SMEs, bħala l-prijorità ewlenija ta’ żvilupp u innovazzjonijiet oħra.

4.3   L-Inizjattiva Ewropea dwar il-Materja Prima

4.3.1   Il-Kumitat japprezza din l-inizjattiva bħala element importanti tal-Istrateġija Ewropa 2020. Hija tirrifletti wkoll il-kunċett tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għalkemm dawn iż-żewġ politiki għandhom jiġu rrikonċiljati biex jintlaħaq l-ogħla livell ta’ konformità possibbli u biex jinkiseb l-ogħla valur miżjud għaċ-ċittadini tal-UE.

4.3.2   Madankollu, il-kunċett tal-kritikalità fl-Inizjattiva dwar il-Materja Prima jwarrab fil-ġenb il-ħtieġa li tingħata ħarsa iktar ġenerali u li ssir valutazzjoni dettaljata tal-firxa tal-politiki rilevanti. Dan l-approċċ olistiku għandu jirriżulta f’konformità adegwata mal-politiki u għandu jwassal għal effetti iktar sinerġetiċi.

4.3.3   Min-naħa l-oħra, il-lista ta’ materja prima kritika hija gwida tajba fir-rigward tal-prijoritajiet li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-UE bħala parti mid-diplomazija fil-materja prima mis-servizz diplomatiku tal-UE stabbilit reċentement.

4.3.4   Naturalment, il-lista għandha tiġi ċċekkjata, fuq bażi regolari, skont il-kriterji stabbiliti biex isir magħruf jekk ikunx għadu urġenti li ssir il-lista. Il-ħtieġa ta’ data konsistenti u ta’ għarfien kemm tekniku kif ukoll tas-suq hija inkontestabbli għall-inizjattiva dwar il-materja prima.

4.3.5   Bla dubju, din l-iskarsezza tal-materja prima teħtieġ ukoll li l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tiġi ċċekkjata regolarment. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet dejjem jogħlew huma l-aqwa inċentiv għall-effiċjenza li hija inerenti għal kwalunkwe negozju sostenibbli. L-istandards ta’ prestazzjoni u l-ekodisinn jistgħu jgħinu fl-isforz permanenti biex tintlaħaq l-ogħla effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

4.3.6   It-theddida ta’ skarsezza dejjem tikber tal-materja prima u l-prezzijiet dejjem jiżdiedu għandha tiġi analizzata fil-livell mikroekonomiku biex jintwera l-impatt tagħha fuq il-kompetittività u, tabilħaqq, fuq iż-żamma tal-impjiegi fis-setturi li jinsabu f’riskju.

4.3.7   L-istrateġija kummerċjali tal-UE għall-materja prima għandha tkun sensittiva u flessibbli biżżejjed. Ladarba l-kummerċ reali jseħħ fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq bażi bilaterali bejn l-Istati Membri individwali, huwa saħansitra iktar diffiċli li jkun hemm politika kummerċjali tal-UE waħda. Milli jidher, wieħed ma jistax jistenna wisq mid-WTO, għalkemm ir-regoli li sar ftehim reċiproku dwarhom għandhom jiġu osservati bl-għan li tinbena l-kredibilità.

4.3.8   Min-naħa l-oħra, l-iskarsezza tal-materja prima tagħti spinta lir-riċerka, l-iżvilupp u l-proċessi tal-innovazzjoni kemm biex titjieb l-effiċjenza fir-riżorsi kif ukoll biex parti mill-materja prima tiġi sostitwita b’mod adegwat. Għandu jingħad li parti mill-materja kritika hija indispensabbli għat-teknoloġiji ta’ prestazzjoni għolja u, għaldaqstant, ninsabu fi speċi ta’ ċirku vizzjuż.

4.3.9   Il-Kummissjoni għandha tinvolvi lis-setturi ewlenin tal-manifattura Ewropej, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs), f’inizjattiva ta’ sħubija speċifika dwar il-materja prima fil-qafas tal-Komunikazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni Ewropea “Unjoni tal-Innovazzjoni” filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards tal-kwalità ta’ xi tipi ta’ materja prima li f’dawn l-aħħar snin marru għall-agħar. Hemm bżonn ta’ dejjem aktar impjiegi b’ħiliet speċjalizzati, sabiex jintlaħaq il-potenzjal ta’ innovazzjoni għoli tal-proċessi tal-manifattura.

4.3.10   Il-Kumitat japprezza l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżviluppa linji gwida dwar kif l-attivitajiet kompetittivi ta’ estrazzjoni jistgħu jkunu kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-protezzjoni ambjentali tan-Natura 2000. Dan huwa essenzjali biex ikun hemm viċinati li fihom ikun hemm kundizzjonijiet ekwi u ambjent f’saħħtu u sostenibbli, u biex tiġi żgurata l-provvista domestika ta’ materja prima, li għandha tkun fost il-pilastri tal-politiki kollha dwar il-materja prima.

4.3.11   Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-opinjoni tiegħu dwar l-aċċess għall-materja prima sekondarja (1) u japprova l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha. Hawnhekk għandna nsemmu r-rakkomandazzjoni dwar il-flessibilità tal-istrumenti meħtieġa biex din il-Materja Prima Sekondarja (Secondary Raw Materials – SRMs) tinżamm kemm jista’ jkun fl-UE.

4.3.12   Il-Kumitat jemmen ukoll li hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-politika dwar il-materja prima fuq l-impjieg, b’mod partikolari, ir-rata tal-impjiegi li jiġu mhedda jekk ma jintlaħqux il-miri tal-politiki.

4.4   Għandu jkun hemm ukoll diskussjoni serja dwar l-agħar xenarji possibbli – pereżempju l-iskarsezza temporanja ta’ xi materja prima kritika essenzjali fuq perjodu ta’ żmien qasir. Il-politika biex jittaffa l-impatt fuq l-industrija Ewropea tista’ tinkludi wkoll deċiżjoni biex tibda topera riżerva strateġika tal-materjal magħżul. Dawn il-politiki ġew diskussi f’pajjiżi mhux Ewropej (l-Istati Uniti, il-Korea u l-Ġappun) u għalkemm jista’ jkollhom impatti negattivi fuq is-swieq tal-prodotti bażiċi, dawn jistgħu jgħinu biex inaqqsu ż-żmien li fih il-materja prima speċifika ma tkunx disponibbli fis-suq f’volum suffiċjenti.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.)”, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 1.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”

COM(2010) 553 finali

2011/C 318/13

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar it-20 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020

COM(2010) 553 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’114-il vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel li l-UE teħtieġ it-tkabbir intelliġenti fl-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-lum u ta’ għada. Parti kbira tal-UE mhux biss għandha problemi ta’ tkabbir bil-mod, nuqqas ta’ riċerka u żvilupp u innovazzjoni, iżda wkoll qed ikollha tindirizza kwistjonijiet oħra bħar-rata għolja ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, problemi soċjali, il-faqar u l-integrazzjoni, studenti li qed jitilqu mill-iskola mingħajr il-kwalifiki neċessarji biex isibu xogħol, sfidi demografiċi u restrizzjonijiet baġitarji.

1.2   Il-politika ta’ koeżjoni tinbet mill-għan li niddefendu l-mudell soċjali Ewropew, li jikkombina l-aspetti relatati mal-kompetizzjoni ħielsa u l-ekonomija soċjali tas-suq ma’ objettivi bbażati fuq is-solidarjetà u l-promozzjoni ta’ prijoritajiet speċifiċi ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali hekk kif inhu stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

1.3   Il-KESE jaqbel li l-politika reġjonali hija strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għaliex is-suċċess biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha ser jiddependi l-iżjed fuq deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-livell lokali u reġjonali, kif iddikjara l-Kummissarju tal-UE Johannes Hahn. (1)

1.4   Il-KESE jemmen li wieħed mill-għanijiet l-aktar importanti tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – u dan huwa l-punt ta’ referenza “korrett” meta l-Kummissjoni titkellem dwar it-tkabbir intelliġenti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (2) – għandu jibqa’ dak li jippromovi l-iżvilupp armonjuż madwar l-Unjoni kollha, b’mod partikolari billi jitnaqqsu d-differenzi bejn il-livell tal-iżvilupp tar-reġjuni differenti sabiex dawn jintegraw bis-sħiħ fl-UE.

1.5   Il-KESE jara b’mod pożittiv u japprezza x-xewqa tal-Kummissjoni li “tippromovi l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha” mingħajr ħela ta’ riżorsi, “filwaqt li tiżgura l-komplementarjetà bejn is-sostenn tal-UE, nazzjonali u reġjonali għall-innovazzjoni, [u] ir-riċerka u l-iżvilupp”, iżda jaħseb li jkun utli li r-riċerka tiġi ffinanzjata mill-fondi kollha l-oħra u mhux biss mill-politika ta’ koeżjoni.

1.6   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir intelliġenti għandha tiġi kkunsidrata bħala suppliment għall-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni” u bħala appell sabiex jinbeda l-proċess biex jitħaffef l-investiment fl-innovazzjoni, u mhux nibqgħu nistennew il-perjodu finanzjarju futur meta l-Istrateġija Ewropa 2020 bla dubju ser tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-Fondi ta’ Koeżjoni (3).

1.7   Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-politika ta’ koeżjoni tiġi frammentata u żvijata mill-għanijiet oriġinali tagħha jiġifieri li tipprovdi finanzjament sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi reġjonali permezz ta’ politiki settorjali, kif jikkonferma wkoll it-Trattat ta’ Lisbona. Għandu jkun żgurat li dan l-approċċ iqis l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-potenzjal, jiġifieri l-punti tat-tluq ta’ kull wieħed mir-reġjuni u l-Istati Membri inkwistjoni, u għandu jiġi evitat li dan l-approċċ ikun ta’ dannu għall-koeżjoni, mhux biss mil-lat ekonomiku, soċjali u territorjali, iżda qabel xejn mil-lat politiku u kulturali.

1.8   Minkejja li l-KESE jqis li importanti ħafna l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, jemmen ukoll li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu ttrattati b’attenzjoni kbira fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet reġjonali. L-innovazzjoni ta’ proċess ta’ produzzjoni tista’ tkun ir-riżultat ta’ riċerka li twettqet f’territorju differenti minn dak fejn hija applikata, u minn persuni differenti. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjonijiet ta’ trasferibbiltà u l-kapaċità ta’ replikazzjoni tal-proċessi innovattivi u għad-disseminazzjoni tagħhom fil-livell reġjonali. Madankollu jilqa’ l-impenn sabiex tinħoloq sinerġija bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra tal-UE, u jitjieb l-użu tal-FEŻR.

1.9   Il-KESE jemmen, kif indikat fil-Komunikazzjoni, li l-isforz biex jinkiseb l-objettiv tat-tkabbir intelliġenti għandu jkollu l-istruttura reġjonali tiegħu, sostnuta mill-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur, id-distrett, il-cluster, jew il-makroreġjun li jkun konness mal-istituti tar-riċerka u l-universitajiet li diġà jeżistu u/jew li jridu jissaħħu u ma’ intrapriżi lokali u netwerks ta’ komunikazzjoni li jistgħu jiffaċilitaw it-twaqqif fis-sod u l-iżvilupp fil-post, filwaqt li jiġu promossi l-ispeċjalizzazzjoni u l-governanza reġjonali.

1.10   Il-KESE jemmen ukoll li l-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija 2020 għandhom ikunu s-suġġett ta’ Kunsill Ewropew speċjali; il-politika ta’ koeżjoni ma tistax minn politika strateġika tal-UE ssir verżjoni fqira ta’ din, u lanqas għandha titqies bħala l-uniku strument ta’ tmexxija potenzjali tal-2020.

1.11   It-tnedija ta’ din il-proposta mill-Kummissjoni m’għandhiex titqies bħala opportunità sabiex il-fondi jitqassmu ftit ftit mar-reġjuni kollha, inklużi r-reġjuni sinjuri, bil-wegħda ta’ objettiv “nobbli”; anzi, għandha tittieħed l-opportunità sabiex tinkiseb konverġenza reġjonali u jiġi affermat kunċett Ewropew, permezz ta’ indikaturi komuni, ta’ koeżjoni ta’ eċċellenza!

1.12   Bl-istess mod huwa kruċjali li jkun żgurat li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-programmi varji tal-UE u li jiġi promoss il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn dawn il-programmi varji tal-UE, permezz tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tneħħija tal-ħitan li jifirdu d-DĠ differenti, jiġifieri bejn il-Kummissjoni nnifisha bħala entità, l-Istati Membri u r-reġjuni, dejjem konxji li l-amministrazzjonijiet qegħdin hemm biex jaqdu lill-pubbliku, lin-negozji u lill-komunitajiet, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħajja tagħhom, u mhux bil-maqlub.

1.13   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha raġun tipproponi approċċ wiesa’ lejn l-innovazzjoni li ma jkunx ristrett għall-kwistjonijiet tekniċi jew ta’ teknoloġija. Madankollu, il-Kumitat jippreferi li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar lill-opportunitajiet prattiċi għall-partijiet interessati differenti li jużaw il-programmi ta’ innovazzjoni. Pereżempju, l-SMEs – li ftit minnhom biss għandhom ir-riċerkaturi – jistgħu jibbenefikaw minn programmi ta’ innovazzjoni. Bosta SMEs huma fil-fatt innovattivi, iżda ma jużawx il-possibbiltajiet offruti lilhom biex jakkwistaw l-appoġġ mill-programmi tal-UE, minkejja li kieku jibbenefikaw mhux ftit minn appoġġ bħal dan. Jeħtieġ li jiżdied l-aċċess għall-kapital ta’ riskju u f’dan ir-rigward għandu jissaħħaħ il-programm JEREMIE, għalkemm l-użu ta’ dan l-istrument m’għandux isir obbligatorju. Għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar jekk jużawx għotjiet, self jew taħlita tat-tnejn, kif ukoll biex jagħżlu l-kamp tematiku tal-applikazzjoni. Barra minn hekk is-semplifikazzjoni hija neċessarja f’dan il-qasam.

1.14   Forom ġodda ta’ sħubija effettiva – pjattaforma ta’ kunsens – jistgħu jkunu strumentali għal dan il-għan. Dawn jistgħu jakkumpanjaw l-istrateġija tal-innovazzjoni, bil-parteċipazzjoni u l-għajnuna tal-partijiet interessati kollha, pubbliċi u privati, inklużi l-banek, u b’regoli sempliċi, ċari u effikaċi, li jirregolaw il-proġetti tul iż-żmien kollu tagħhom, u jistabbilixxu l-iskadenzi, ir-responsabbiltajiet u s-sanzjonijiet eventwali.

1.15   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li għandu jinqaleb l-approċċ attwali tal-Kummissjoni, li hija aktar ikkonċernata dwar l-aspetti formali tal-programmi milli dwar il-kontenut u, b’mod aktar speċifiku, dwar ir-riżultati miksuba, li huma l-objettiv ta’ prijorità li għandna nimmiraw għalih.

1.15.1   Jeħtieġ, minflok, appoġġ parallel u konċertat, skont l-analiżi territorjali, għaż-żewġ poli opposti ta’ rkupru u innovazzjoni.

1.16   Il-KESE huwa ddispjaċut bl-inugwaljanzi konsiderevoli li jeżistu mhux biss bejn ir-reġjuni tal-UE iżda wkoll fi ħdan id-diversi Stati Membri. Dawn l-inugwaljanzi joħorġu wkoll fid-dieher fis-setturi tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tal-innovazzjoni u juru l-bżonn li tissaħħaħ il-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sal-2020.

1.17   Fl-istess ħin il-KESE jinnota li l-Istati Membri tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ kompetizzjoni dinjija dejjem ikbar min-naħa ta’ pajjiżi industrijalizzati ġodda li qegħdin jiżviluppaw b’mod konsiderevoli fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tal-innovazzjoni u li b’mod partikulari fis-setturi marbutin mat-teknoloġija avvanzata diġà għamlu ċertu progress.

1.18   Għalhekk il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, bl-inizjattiva tagħha “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u bil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-tkabbir intelliġenti, qiegħda tenfasizza ċerti probemi u tinvolvi l-politika reġjonali. Jekk huwa minnu li huma l-miżuri deċentralizzati li jiffavorixxu l-iżjed ir-rinnovazzjoni, din mhijiex possibbli mingħajr għajnuna. Jeħtieġ li dawn il-miżuri, bħall-politiki, jkunu l-istess fl-UE kollha.

1.19   Il-KESE jaqbel mal-idea li wieħed għandu jsib il-vantaġġi fid-differenzi bejn ir-reġjuni u li dan jitlob li jiġu stabbiliti forom totalment ġodda ta’ kooperazzjoni bir-riżorsi kollha disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.20   Il-KESE huwa tal-fehma li enfasi ikbar fuq postijiet tax-xogħol innovattivi hija konformi mal-politika ta’ tkabbir intelliġenti u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (4). Il-Kumitat jenfasizza fl-Opinjoni SC/034 “Postijiet tax-xogħol innovattivi bħala sorsi ta’ produttività u ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba” li l-idea ta’ postijiet tax-xogħol innovattivi hija fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tniedi proġett pilota dwar postijiet tax-xogħol innovattivi bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni”.

1.21   Il-Kumitat japprova l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana programm ta’ riċerka ikbar għas-sena d-dieħla għas-settur pubbliku u l-innovazzjoni soċjali. Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni ta’ klassifika għall-innovazzjoni fis-settur pubbliku, bi proġetti pilota għall-innovazzjoni soċjali Ewropea sabiex l-innovaturi soċjali jingħataw l-għajnuna u bi proposti għall-innovazzjoni soċjali fi programmi taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Jaqbel ukoll li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti. Inizjattivi bħal dawn jistgħu jitqiesu bħala t-triq lejn tkabbir intelliġenti.

1.22   Il-KESE jappoġġja l-idea li jiġu żviluppati strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti li r-reġjuni u ż-żoni lokali jridu jiżviluppaw huma nnifishom, abbażi ta’ rekwiżiti speċifiċi u billi jitqies il-livell tal-iżvilupp tagħhom. It-tkabbir intelliġenti f’xi reġjuni għadu jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ infrastruttura essenzjali, bħat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija jew it-trattament tal-ilma.

1.23   Il-politika reġjonali u b’mod partikolari l-fondi reġjonali tal-UE, hija essenzjali sabiex jinkiseb it-tkabbir intelliġenti, u tabilħaqq biex tinkoraġġixxi u tgħin lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali biex jibnu strateġiji għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti li jgħinu lir-reġjuni jidentifikaw l-aqwa assi tagħhom.

1.24   Il-Kummissjoni targumenta fil-Komunikazzjoni tagħha li l-konċentrazzjoni tar-riżorsi fuq għadd limitat ta’ attivitajiet għandha tiżgura użu iktar effettiv u effiċjenti tal-fondi u tgħin biex jiżdied l-investiment privat, jekk sakemm l-oqsma ta’ prijorità għal attivitajiet u investiment huma determinati mill-awtoritajiet lokali adatti flimkien mal-imsieħba ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili.

1.25   Bħala konklużjoni, l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u dawk tal-politika ta’ koeżjoni jaqblu flimkien. Permezz tal-istruttura unika tagħha tal-governanza f’diversi livelli, il-politika tal-koeżjoni qiegħda fil-pożizzjoni li tipprovdi inċentivi u għajnuna konkreti sabiex tiġi żgurata s-sjieda tal-objettivi tal-Ewropa 2020 fil-livell makroreġjonali u fil-livell interreġjonali, reġjonali u lokali. Iżda l-qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tagħhom ma jinkludix elementi finanzjarji u legali komuni li flimkien jistgħu jinbidlu f’fatturi li jikkontribwixxu għal żieda fl-effiċjenza.

1.25.1   Għaldaqstant ikun tajjeb li tiġi introdotta kooperazzjoni msaħħa mmirata lejn il-kisba tal-objettivi hawn fuq imsemmija.

2.   Proposti

2.1   Definizzjonijiet: l-innovazzjoni għandha ħafna definizzjonijiet. Fil-pjan “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, l-innovazzjoni tfisser bidla li tħaffef u ttejjeb il-mod kif nikkonċepixxu, niżviluppaw, nipproduċu u naċċessaw prodotti, proċessi industrijali u servizzi ġodda. Bidliet li joħolqu iktar impjiegi, itejbu ħajjet in-nies u jibnu soċjetajiet iżjed ekoloġiċi u aħjar. Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni l-ewwel u qabel kollox għaliex tkopri ħafna mill-oqsma politiċi

2.1.1   Fl-istess waqt id-definizzjoni turi li ħafna direttorati ġenerali tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea jridu jkunu involuti fl-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u li l-fondi kollha fl-UE għandhom ikunu parti mill-iżvilupp.

2.2   It-tqegħid flimkien tal-fondi: il-KESE huwa tal-fehma li biex jintlaħaq l-objettiv tal-innovazzjoni reġjonali sabiex “toħroġ il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE” jeħtieġ li jintużaw ukoll riżorsi oħra tal-UE, bħal pereżempju l-PAK – għallinqas fejn jidħlu investimenti mmirati lejn l-innovazzjoni u lejn it-tkabbir intelliġenti fis-settur agrikolu – u l-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk għandhom jiġu żviluppati u kkoordinati sinerġiji bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u dawk nazzjonali u reġjonali; l-Istati Membri kollha jridu jkunu jistgħu jaċċessaw bis-sħiħ l-opportunitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji tal-UE, u jeħtieġ li jinbeda proċess ta’ semplifikazzjoni f’dal-qasam.

2.3   L-għażla tal-prijoritajiet: il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu speċifikati t-tipi ta’ innovazzjoni, filwaqt li jiġu salvagwardjati dawk reġjonali.,Jeħtieġ li jsiru għażliet dwar il-programmi, is-setturi rilevanti (eż. l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, l-ambjent, it-trasport, eċċ.) u r-reġjuni li għandhom ikunu involuti, filwaqt li jitqiesu l-isfidi, il-ħtiġijiet u l-potenzjal tagħhom (jiġifieri l-punti tat-tluq tagħhom), kif ukoll il-vokazzjoni imprenditorjali tagħhom, il-kundizzjonijiet tar-riċerka u l-kapaċità tagħhom biex jirrinovaw l-impjanti jew jibdlu l-produzzjoni. Għandhom jiġu promossi r-rabtiet bejn il-makroreġjuni u titneħħa l-politika tal-elf fjura. Il-prijoritajiet iridu jintgħażlu f’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u privati u s-soċjetà ċivili organizzata f’diversi livelli.

2.4   L-għarfien, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni: huwa fundamentali li jitkattru esperjenzi pożittivi u li dawn jinqasmu bejn is-setturi u t-territorji rilevanti; għaldaqstant jeħtieġ li strateġija tal-komunikazzjoni u informazzjoni adegwata tiġi inkorporata direttament fil-programmi tal-Kummissjoni.

2.5   It-taħriġ: dan huwa strument fundamentali ieħor li wieħed għandu juża sabiex jintlaħqu l-objettivi li l-Kummissjoni qed tressaq f’din il-Komunikazzjoni. Ser ikun utli ħafna, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, li titħeġġeġ id-disseminazzjoni tal-kultura tal-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li dan it-taħriġ ser jippromovi l-użu tal-fondi, inaqqas l-approprijazzjonijiet li ma jintużawx, u jipprevjeni l-ħela, biex b’hekk tinkiseb l-eċċellenza fl-użu tal-fondi, u jgħin il-governanza reġjonali.

2.6   Il-konsolidazzjoni tas-sħubija: skont il-KESE jeħtieġ li tingħata prijorità lill-programmi u lill-proġetti mfassla direttament mill-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, jew miċ-ċentri ta’ riċerka eżistenti, flimkien mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u s-soċjetà ċivili u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jekk is-sħubija tintuża bħala metodu fil-livelli kollha dan iġib miegħu valur miżjud konsiderevoli, u għalhekk għandha tingħata prijorità lill-proġetti li jiġu elaborati b’dan il-mod. Dan ikun utli ħafna wkoll għall-governanza reġjonali.

2.7   Il-valutazzjoni tar-riżultati: din għandha tkun obbligatorja, appoġġjata mingħajr eżitazzjoni mill-Kummissjoni. Jinħtieġu parametri u sistemi komuni għall-valutazzjoni tar-riżultati, kemm tal-innovazzjoni kif ukoll tar-riċerka, objettiv ta’ prijorità tal-Kummissjoni u tal-Unjoni Ewropea. F’reġjuni jew żoni li ma jilħquhomx, jew li ma jonfqux il-fondi, għandhom jiġu provduti forom alternattivi ta’ intervenzjoni min-naħa tal-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni, li għandha tiggwida dan il-proċess.

2.8   Għandha tiġi promossa l-kooperazzjoni pubblika-privata, inkluż permezz ta’ sistema ta’ finanzjament imħallta għall-programmi li huma partikolarment rilevanti jew ta’ interess speċifiku, kemm għar-riċerka kif ukoll għall-innovazzjoni.

2.9   L-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex, flimkien mal-Kummissjoni u mal-UE jaġixxu b’aktar determinazzjoni; m’għandhomx jabdikaw ir-rwol tagħhom minħabba r-raġunijiet li ta’ spiss ingħataw; għandha tingħata prijorità lill-proġetti interreġjonali, li għandhom loġika u ambitu Ewropew, filwaqt li l-Kummissjoni għandha terġa’ tibda taqdi rwol ta’ gwida anki fil-fażi ta’ tfassil, ta’ eżekuzzjoni u, b’mod partikolari, fil-valutazzjoni tar-riżultati.

2.10   Jiġu vvantaġġjati l-akkumpanjament u l-konsulenza: il-KESE jaħseb li l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi, li ma jkollhomx riċerkaturi u esperti, jeħtieġu, biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas, li jkollhom aċċess faċli għas-servizzi ta’ akkumpanjament u ta’ konsulenza effiċjenti u adattati. Il-Kumitat jitlob biex ikun hemm politika ta’ appoġġ għall-azzjonijiet tal-organizzazzjoni intermedjarji sabiex jiġu sostnuti l-azzjonijiet ta’ akkumpanjament u ta’ konsulenza tagħhom, notevolment permezz ta’ kuntratti reġjonali u l-finanzjament ta’ postijiet ta’ konsulenti dwar l-innovazzjoni fi ħdan dawn l-organizzazzjonijiet intermedjarji.

2.11   Tiġi ċċarata l-Komunikazzjoni. Il-KESE jemmen li l-Komunikazzjoni għandha tiġi ssemplifikata u ċċarata fir-rigward tal-objettivi stipulati. L-approċċ għandu jinqaleb, bil-proposti mistennija minn isfel għal fuq, fuq il-bażi tal-konvinzjoni li l-flus għandhom isegwu l-ideat u mhux bil-maqlub.

2.12   Is-semplifikazzjoni fil-livelli kollha hija objettiv preliminari. Dejjem għandha tiġi segwita strateġija ta’ semplifikazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ħin u l-ispejjeż u jinħoloq metodu uniku li jsegwi l-prinċipju ta’ “darba waħda biss”; għandhom jitħaffu wkoll il-pagamenti, u jiġu ffaċilitati l-finanzjamenti antiċipati għall-kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs; u fl-aħħar nett għandhom jiġu armonizzati r-regoli finanzjarji u titwettaq verifika ta’ kontabbiltà unika valida għad-drabi kollha.

3.   Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE, il-koeżjoni u t-tkabbir intelliġenti

3.1   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-baġit il-Kummissjoni tiddedika kapitolu twil għall-politika ta’ koeżjoni iżda ħafna inqas minn hekk għal, pereżempju, il-PAK li għadha s’issa tirrappreżenta 43 % tal-infiq Komunitarju. It-taqsima dwar il-koeżjoni għandha t-titolu “tkabbir inklużiv”: titolu li jwiegħed ħafna iżda li għandu jiġi applikat fil-prattika.

3.2   It-titoli minnhom innifishom diġà huma komprensivi sew: a) il-politika tal-koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020; b) aktar konċentrazzjoni u koerenza; c) qafas strateġiku komuni; d) kuntratt ta’ Sħubija tal-Iżvilupp u l-Investiment; e) it-titjib tal-kwalità tal-infiq. Dawn l-objettivi kollha, minbarra l-aħħar wieħed li huwa objettiv importanti, diġà jmisshom twettqu.

3.3   Il-KESE jivvaluta b’mod pożittiv l-isforzi u l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-bqija tal-politiki tal-UE u l-politiki nazzjonali, inklużi wħud mill-prijoritajiet stipulati fl-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jaħseb li huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-“tkabbir intelliġenti”.

3.4   Ir-reviżjoni tal-baġit għandha tkun opportunità biex jikkonformaw flimkien il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK u l-Istrateġija 2020, filwaqt li nikkunsidraw il-Patt ta’ Stabbiltà li qed jiġi rivedut, bil-għan li nerġgħu nqisu u nġeddu l-baġit Ewropew u dawk tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (pereżempju l-edukazzjoni u r-riċerka m’għandhomx jitqiesu bħala nefqa attwali).

3.5   L-għajnuna għall-SMEs hija kwistjoni ta’ prijorità għas-suċċess tal-proposta. Dan għandu jsir billi jiġi ssemplifikat u ffaċilitat il-finanzjament, anke permezz ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji fir-rigward tal-għoti tal-kreditu, f’konformità mal-prinċipji affermati fir-reviżjoni tas-Small Business Act (SBA), jew ta’ finanzjament dirett għall-innovazzjoni, b’politika ta’ appoġġ u ta’ akkumpanjament. Dan jista’ jiġi ffaċilitat ukoll permezz tal-konsolidazzjoni u l-użu tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi. Għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri fil-livell adatt biex jiddeċiedu dwar jekk jużawx għotjiet, self jew taħlita tat-tnejn.

4.   Kummenti

4.1   Il-KESE jqis pożittivi l-azzjonijiet li l-Kummissjoni trid twettaq sabiex tgħin jintlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi u l-informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u l-forniment tal-kapital ta’ riskju u l-garanziji għall-SMEs impenjati fl-innovazzjoni, billi jsiru disponibbli finanzjamenti adatti għar-realtà tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi.

4.2   Il-ħames oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jidhru pjuttost ġenerali, u jappartjenu għal setturi u oqsma ta’ riferiment differenti ħafna minn xulxin; mhumiex maħsuba għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni, ma jaħsbux għal sinerġiji possibbli ma’ politiki li jħeġġu l-innovazzjoni f’oqsma oħra tal-intervent Komunitarju (kompetizzjoni, agrikoltura, suq intern, ambjent u enerġija, edukazzjoni, eċċ.) jew fi programmi Komunitarji oħra; pereżempju, imkien m’hija msemmija l-ekonomija soċjali. Bl-istess mod, mhuwiex previst l-involviment tal-imsieħba soċjali jew partijiet interessati oħra mis-soċjetà ċivili organizzata fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki relatati mal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.

4.3   Iżda ma hemm l-ebda referenza għall-ħtieġa li tiġi kkoordinata l-inizjattiva tal-innovazzjoni tal-UE mal-politiki ta’ innovazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom aktar riżorsi u li diġà identifikaw u niedu programmi ta’ riċerka u programmi ta’ azzjonijiet fis-setturi fejn jistgħu jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp. Ma tantx saru analiżi tal-fatturi li fixklu jew ma ppermettewx l-użu tal-fondi, minkejja li din il-kwistjoni hija l-aktar waħda gravi minnhom kollha. U meta tqis kemm-il analiżi tipproduċi l-Kummissjoni!

4.4   Madankollu l-Kummissjoni turi interess kbir fir-reġjuni li jibbenefikaw mill-aqwa kundizzjonijiet, bħal meta tikteb li ċerti reġjuni jipparteċipaw fil-kompetizzjoni fil-livell dinji, filwaqt li oħrajn ibatu biex jilħqu dan il-livell. Dan ma jfissirx madankollu li ċerti reġjuni għadhom lura għal kollox. Sabiex din l-inugwaljanza titneħħa, jeħtieġ li tiġi organizzata politika reġjonali b’tali mod li l-objettiv prinċipali tagħha jkun dejjem iktar l-iżvilupp tar-reġjuni l-aktar dgħajfa li fl-aħħar mill-aħħar huwa preċiżament l-għan tal-politika ta’ koeżjoni.

4.5   Minkejja dan, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-fatt li d-distakk bejn ir-reġjuni l-għonja u dawk foqra fl-UE dejjem qiegħed jikber u li l-pajjiżi tal-UE li huma l-iktar dgħajfa ekonomikament huma wkoll dawk li huma l-inqas żviluppati fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, iżda josserva wkoll li, hekk kif juri l-pjan direzzjonali l-ġdid, huwa l-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp li joffri l-ikbar possibbiltajiet ta’ tkabbir fil-pajjiżi u r-reġjuni l-inqas avvanzati.

4.6   F’dan ir-rigward ikun xieraq li l-Kummissjoni Ewropea tikkoopera mad-diversi Stati Membri għat-tixrid tal-politika tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni, b’tali mod li r-reġjuni l-għonja tal-Istati Membri ma jimmonopolizzawx ir-riżorsi kollha, bid-distorsjoni addizzjonali li dan iġib fid-distribuzzjoni nazzjonali.

4.7   Il-Komunikazzjoni twitti t-triq sabiex id-diversi strumenti tekniċi tal-finanzjament ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod aktar wiesa’ biex jappoġġjaw l-innovazzjoni. Dawn huma s-self b’rati baxxi, il-garanziji ta’ self u l-kapital riskjuż. Il-grupp tal-BEI jagħmel parti wkoll minn waħda mill-awtoritajiet li għandhom jirċievu riżorsi addizzjonali maħsuba l-iżjed għall-benefiċċju tal-SMEs.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dan qalu meta f’Jannar il-Kummissarju nieda l-Komunikazzjoni dwar “Politika Reġjonali li Tikkontribwixxi għat-Tkabbir Sostenibbli fl-Ewropa 2020” – li għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala “tkabbir intelliġenti”.

(2)  COM(2010) 553 finali.

(3)  Ibid.

(4)  Rapporti ġodda mid-Danimarka juru li l-isptarijiet żiedu l-effiċjenza tagħhom – aktar operazzjonijiet – u fl-istess waqt l-impjegati huma iżjed sodisfatti bix-xogħol tagħhom, għalkemm il-baġits ġew imnaqqsa u l-isptarijiet għandhom inqas impjegati. Inbidlu l-metodi ta’ ħidma, f’xi każijiet it-tobba twaqqfu milli jkollhom impjieg sekondarju, u l-pazjenti ngħataw iżjed kura. Ir-rapporti juru li l-pazjenti wkoll huma sodisfatti iżjed (il-konklużjoni m’hijiex li għandu jitnaqqas il-baġit, iżda li jinbidlu l-metodi ta’ ħidma u l-organizzazzjoni tax-xogħol).


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar il-futur tal-VAT Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”

COM(2010) 695 finali

2011/C 318/14

Relatur: is-Sinjura MADER

Nhar l-1 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti

COM(2010) 695 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'161 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat japprova mingħajr l-ebda riżerva l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrifletti dwar il-possibbiltà ta’ reviżjoni globali tas-sistema tal-VAT, skema fiskali definita bħala provviżorja mill-bidu nett tagħha fl-1967, u li ġiet ikkritikata sew. Il-Green Paper hija biss il-bidu ta’ proċedura li mistennija tkun twila, diffiċli u kumplessa, li s-suċċess tagħha se jkun prova ta’ rieda ġenwina tal-Istati Membri li jaslu għal definizzjoni ta’ sistema “aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”.

1.2   L-iskema attwali ġiet soġġetta għal għadd ta’ modifiki matul iż-żmien: il-Kummissjoni kienet dik li ressqet proposti ta’ titjib bil-għan li l-iskema tkun aktar effikaċi u biex din tiġi adattata għall-prinċipji tas-suq uniku. L-Istati Membri aċċettaw bosta miżuri li jirrigwardaw l-organizzazzjoni, il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-awtomatizzazzjoni. Miżuri oħra kienu ta’ natura prinċipalment amministrattiva u ta’ organizzazzjoni. Madankollu l-Kunsill s'issa dejjem offra reżistenza għall-proposti għal riforma globali ta’ din is-sistema.

1.3   Il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li sistema ta’ VAT globali għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi li huma ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi. Ma' dawn jeħtieġ li tiżdied il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-intrapriżi, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jridu jieħdu ħsieb il-ġbir ta’ din it-taxxa u li, flimkien mal-konsumaturi, jispiċċaw iġorru l-piż tal-ineffiċjenza tas-sistema tat-taxxa. Kif iddikjara fil-passat il-Kumitat, għandha tingħata attenzjoni wkoll lis-sistema tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji (1), u ċertament jekk għandha tiġi introdotta taxxa ġdida fuq is-settur finanzjarju msejsa fuq il-flussi ta’ flus fl-idejn jew fatturi simili, il-Kummissjoni trid tevalwa l-vantaġġi li din titfassal fi ħdan il-qafas tal-VAT (2).

1.4   Problema partikolarment delikata hija t-trattament tal-ħidmiet transkonfinali. Minn perspettiva razzjonali, it-taxxa għandha tinġabar fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-istess kundizzjonijiet tal-kummerċ intern; minħabba d-diffikultajiet biex jiġu regolati l-kwistjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kunsill għażel l-aktar soluzzjoni sempliċi, li t-taxxa tinġabar fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, b'xi eċċezzjonijhiet li jikkonċernaw l-aktar is-servizzi. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi soluzzjonijiet alternattivi, iżda kulħadd huwa konxju tal-fatt li huwa diffiċli li tinsab soluzzjoni perfetta.

1.4.1   Fil-każijiet kollha, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandhom jiġu evitati tibdiliet radikali; minflok għandu jiġi adottat approċċ li jimxi pass pass. L-aħjar soluzzjoni x'aktarx tkun dik ibbażata fuq it-tassazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni filwaqt li jinżammu l-prinċipji tas-sistema attwali. Fl-istess ħin, ser jeħtieġ li jiġi adottat b'mod ġenerali l-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, l-ewwel fuq bażi fakultattiva, imbagħad b'mod ġeneralizzat u obbligatorju. Ikun xi jkun il-każ, jeħtieġ li għal skopijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva jinħoloq one-stop-shop għall-intrapriżi.

1.5   Il-Green Paper tipproponi li jinġabru l-kummenti u s-suġġerimenti mill-partijiet interessati kollha li jkunu utli biex fl-aħħar jiġu formulati l-proposti tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, id-dokument, li huwa diffiċli li jitqassar, qed jagħmel 33 mistoqsija, li l-Kumitat qed iwieġeb. Għad-dettalji, ara t-Taqsima 5 ta’ dan id-dokument.

2.   Introduzzjoni

2.1   Għal għadd ta’ snin, it-titjib tas-sistema tal-VAT kien wieħed mill-prijoritajiet tal-politika fiskali tal-Kummissjoni. Din it-taxxa, adottata fl-1967 mill-UE bħala sistema komuni ta’ taxxa għall-Istati Membri kollha, tiġġenera parti sostanzjali (aktar minn 20 %) tad-dħul tagħhom. Barra minn hekk, parti mill-VAT miġbura tikkontribwixxi għall-baġit tal-UE; għalhekk huwa ovvju li huwa fl-interess dirett tal-Kummissjoni li tipproteġi l-interessi tagħha billi tassigura applikazzjoni tat-taxxa bl-aktar mod effettiv possibbli.

2.2   Minkejja li s-sistema tal-VAT tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għad-dħul tal-Istati Membri, din hija 'l bogħod milli tkun sistema sodisfaċenti, u kienet is-suġġett ta’ għadd ta’ kritiki kemm mill-Istati Membri kif ukoll minn partijiet interessati oħra, bħalma huma l-intrapriżi u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni issa ilha żmien taħdem biex tikkunsidra dawn il-kritiki u tintroduċi proposti ta’ titjib sabiex is-sistema ssir aktar effikaċi u konsistenti mar-regoli u l-prinċipji tas-Suq Uniku; irid jingħad li dawn l-isforzi sabu oppożizzjoni, ftit jew wisq bil-miftuħ, min-naħa tal-Istati Membri.

2.3   Irridu ngħidu b'mod miftuħ u dirett li fil-każ ta’ kwistjonijiet fiskali, il-volontà ta’ koeżjoni Ewropea hija limitata mit-tħassib, anzi, mill-ħtieġa ta’ kull Stat Membru li jipproteġi s-sorsi proprji ta’ finanzi; dawk il-pajjiżi li jħossu li ċerti regoli jista' jkollhom effett ħażin fuq l-interessi tagħhom, jew jirriżultaw fi spejjeż jew proċeduri amministrattivi aktar ta’ piż jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom b'mod ftit jew wisq miftuħ, u ħafna drabi bi ftit trasparenza.

2.4   Dan kollu, ovvjament, huwa ta’ detriment għal politika komuni Ewropea, iżda jispjega wkoll għalfejn fallew l-isforzi ta’ min ifaħħarhom tal-Kummissjoni tul is-snin. Madankollu, sar progress sostanzjali fil-qasam tar-razzjonalizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri, fit-tnaqqis tal-ispejjeż kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kontribwenti, u fil-kooperazzjoni amministrattiva u ġudizzjarja.

2.5   Peress li l-Kummissjoni hija konxja mill-problemi u l-ostakli, issa marret lura għall-objettiv li dejjem kellha f'rasha, jiġifieri li s-sistema tiġi riformata b'mod sħiħ sabiex tiġi allinjata mal-prinċipji tas-Suq Uniku, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-partijiet kollha. Skont il-proċedura regolari, il-Green Paper tistaqsi sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-aspetti varji tas-sistema tal-VAT; it-tweġibiet li ser tirċievi ser jittieħdu bħala bażi tal-proposti għal sistema “aktar sempliċi, aktar soda u aktar effiċjenti”. Din l-opinjoni ser tippreżenta l-kontribut tal-KESE, fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant tal-gruppi ta’ interess soċjoekonomiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Kif turi ġustament il-Kummissjoni, il-kriżi kellha impatt fuq il-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari permezz ta’ ċaqliq fl-importanza tat-tassazzjoni diretta fir-relazzjoni tat-tassazzjoni indiretta; il-persentaġġ tal-VAT mid-dħul totali, li s'issa kien madwar ta’ 22 %, juri tendenza ta’ żieda. Dan huwa r-riżultat ta’ politika ġeneralment orjentata lejn it-titjib tal-kompetittività permezz ta’ tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xogħol u fuq l-intrapriżi. Il-KESE jinnota li, minkejja li dan huwa żvilupp pożittiv, m'għandux iwassal sabiex fid-direttiva qafas jiddaħħlu rati ogħla ta’ VAT li jkunu jfissru piż addizzjonali mhux aċċettabbli fuq l-impjegati u l-konsumaturi.

3.2   It-titjib tal-mekkaniżmu “jitlob sistema tal-VAT komprensiva”, li skont il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi. Dwar dan l-aħħar punt, il-Kumitat għandu l-istess tħassib bħall-Kummissjoni; l-opinjonijiet tiegħu ripetutament urew li l-VAT hija dik fejn l-aktar li sseħħ evażjoni tat-taxxa fl-UE, u li l-evażjoni tat-taxxa hija sors sinifikanti tal-finanzjament tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Il-fenomeni interdipendenti ta’ evażjoni, kriminalità kif ukoll il-ħasil tal-flus assoċjat ma’ dawn jirrappreżentaw theddida kbira għas-soċjetà fil-livell internazzjonali. Il-Kunsill jinsisti sabiex jiġu eżaminati regoli ġodda filwaqt li jitqies dejjem l-aspett ta’ sigurtà totali fir-rigward tal-attakki ta’ frodi.

3.3   Il-Green Paper ma tinjurax l-aspetti relatati mal-intrapriżi: il-ġestjoni u l-amministrazzjoni (il-Kumitat isemmi anki l-litigazzjoni f'dal-kuntest) tal-VAT jirrappreżentaw parti kbira tal-ispejjeż amministrattivi tal-intrapriżi tant li għadd kbir ta’ SMEs jastjenu milli jieħdu sehem fil-kummerċ internazzjonali. Il-Kumitat itenni l-ħtieġa li l-ġestjoni tal-VAT issir aktar flessibbli, sempliċi u anqas ta’ piż; huma l-konsumaturi, bħala l-utenti aħħarin, li jħallsu l-prezz tan-nuqqasijiet f'dan il-qasam.

3.4   Suġġett importanti ieħor huwa l-possibbiltà li tiġi introdotta taxxa b'rata unika, meqjusa bħala “ideal ta’ taxxa pura tal-konsum”; il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li dan huwa objettiv kważi impossibbli, u jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni fit-tentattivi tagħha biex tnaqqas jew telimina n-numru eċċessiv ta’ eżenzjonijiet, eċċezzjonijiet, u rati mnaqqsa jew preferenzjali – arranġamenti li jnaqqsu d-dħul b'45 % meta mqabbel ma’ dak li teoretikament jista' jinġabar meta tiġi applikata r-rata normali. Ser ikun meħtieġ li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn il-ħtiġijiet baġitarji u l-kunsiderazzjonijiet soċjali u ekonomiċi li fuqhom jibbażaw dawn l-arranġamenti, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi lokali u dawk li jeħtieġu kwantità intensiva ta’ ħaddiema.

3.5   Kif enfasizza l-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar it-“Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju” (ECO/284 – CESE 991/2011), it-trattament tas-settur finanzjarju fil-qafas tal-VAT għandu jiġi rivedut.

4.   It-trattament tal-VAT għat-transazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku

4.1   Meta ġiet adottata fl-1967, is-sistema tal-VAT bejn l-Istati Membri bbażata fuq l-applikazzjoni fil-pajjiż tad-destinazzjoni ġiet deskritta bħala “provviżorja”; is-sistema definittiva kellha tinvolvi tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini. Wara 44 sena, is-sistema “provviżorja” għadha fis-seħħ. Minn perspettiva razzjonali, it-taxxa għandha tinġabar fl-Istat Membru ta’ oriġini bl-istess kundizzjonijiet tal-kummerċ intern, ħlief meta tiġi rregolata d-differenza tal-parti dovuta lill-Istat Membru tad-destinazzjoni. Minħabba l-problemi li kien hemm fil-bidu, li wħud minnhom għadhom jeżistu, il-Kunsill kien għażel l-aktar soluzzjoni sempliċi, li t-taxxa tinġabar fl-Istat Membru tad-destinazzjoni: dan l-approċċ għadu fis-seħħ sal-lum, iżda b'xi eċċezzjonijiet importanti li jikkonċernaw l-aktar is-servizzi telematiċi transkonfinali.

4.2   Fil-passat, il-Kummissjoni ppruvat darbtejn tilħaq ftehim mal-Kunsill dwar sistema standardizzata tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tal-ġbir ta’ taxxa fil-pajjiż ta’ oriġini; falliet id-darbtejn li huma minħabba problemi serji ta’ implimentazzjoni. Fl-2007 il-Kummissjoni studjat sistema ta’ tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini b'rata ta’ 15 %, fejn jitħalla f'idejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni biex jiġbor jew jirrimborsa kif xieraq il-bilanċ skont ir-rata tiegħu tal-VAT. Il-Kunsill ma ħax inizjattiva biex isegwi din il-proposta.

4.3   Il-Kumitat jagħraf il-kumplessità tal-problema; minħabba l-varjetà tar-rati tat-taxxa u d-differenzi fil-proċeduri amministrattivi li għadhom jeżistu minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb armonizzazzjoni, huwa diffiċli li tinstab soluzzjoni perfetta. Madankollu, wieħed ma jistax jinjora l-progress li diġà sar jew li qed isir fit-tassazzjoni fil-forniment tas-servizzi (3), fit-titjib tas-sistemi ta’ tassazzjoni (4), fil-kooperazzjoni amministrattiva u l-mekkaniżmi one-stop-shop (5), u fil-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-frodi (6).

4.4   Il-Green Paper hija pass fid-direzzjoni t-tajba peress li l-intenzjoni tagħha hija li tiġbor informazzjoni utli sabiex tipproponi titjib; abbażi ta’ esperjenza mill-passat u tal-qagħda attwali, il-Kumitat jippreferi politika ta’ titjib pass pass milli tibdiliet radikali. Għaldaqstant, huwa tal-fehma li l-aħjar soluzzjoni hija dik imsemmija fil-punt 4.2 tad-dokument tal-Kummissjoni – tassazzjoni ġenerali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u ż-żamma tal-prinċipji tas-sistema attwali (punt 4.2.1), b'adozzjoni gradwali, għal bidu b'mod fakultattiv, imbagħad b'mod obbligatorju, ta’ mekkaniżmu ta’ reverse charge (punt 4.2.1). Fl-istess ħin, bl-istabbiliment ta’ one-stop-shops wieħed ikun jista' jara li l-intrapriżi jkunu jistgħu jħallsu d-dejn fiskali transkonfinali tagħhom bl-inqas piż burokratiku possibbli.

5.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet

5.1   Arranġamenti attwali tal-VAT għall-kummerċ intra-UE (M1.): l-arranġamenti attwali mhumiex perfetti: dawn qed jagħtu lok għal bosta inkonvenjenti, prinċipalment minħabba għadd ta’ konċessjonijiet, eċċezzjonijiet, eżenzjonijiet, eċċ. mogħtija lill-Istati Membri. Minkejja dan, is-sistema ilha taħdem għal wisq żmien biex inkunu nistgħu nibdluha radikalment; bidla radikali tkun diżastruża. Ikun aħjar jekk nikkonċentraw fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ governanza tajba tant imsemmija mill-Kummissjoni, u li l-Kumitat appoġġa fl-opinjonijiet tiegħu; dawn huma elenkati fid-dokument li jakkumpanja l-Green Paper (7). L-ostakli prinċipali sabiex jiġu massimizzati l-vantaġġi tas-sistema għandhom inqas x'jaqsmu mal-prinċipji nfushom milli mal-implimentazzjoni difettuża u mar-reżistenza għall-bidla fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

5.2   Il-VAT u l-awtoritajiet pubbliċi (M3.): fil-prinċipju, l-eżenzjonijiet mogħtija lill-korpi pubbliċi li jwettqu attivitajiet f'kompetizzjoni ma'operaturi privati (eż. trasport, kura tas-saħħa) huma ġustifikati minħabba n-natura tipikament soċjali tas-servizzi pubbliċi. Madankollu wieħed għandu jiftakar li l-operaturi privati ta’ spiss jikkomplementaw servizzi pubbliċi inadegwati jew difettużi. Bla ebda dubju, il-qagħda attwali tgħawweġ il-kompetizzjoni, effett li ġeneralment jittaffa permezz ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni. Fil-każijiet kollha, il-konsumatur għandu l-għażla li jħallas inqas u jirrikorri għas-servizz pubbliku, jew iħallas iżjed għal dak privat. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn wieħed jew l-ieħor mhux disponibbli (eż. it-trasport), l-għażla bejn it-tnejn hija bbażata l-aktar fuq valutazzjoni tal-kwalità.

5.2.1   Il-Kumitat jemmen li soluzzjoni ġusta li tkun vantaġġjuża għall-konsumaturi tkun dik li jinżammu l-eżenzjonijiet għas-servizzi pubbliċi u li jiġu estiżi għall-operaturi privati li jipprovdu servizz indispensabbli fl-assenza ta’ servizz pubbliku. Nirrikonoxxu d-diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju; madankollu, min-naħa l-oħra mhuwiex aċċettabbli li l-konsumaturi f'żoni żvantaġġjati jkollhom iħallsu aktar għal servizzi offruti lilhom mingħajr ma tingħatalhom għażla. Sabiex jiġi evitat tgħawwiġ fil-kompetizzjoni mas-settur privat, din l-eċċezzjoni bla ebda dubju għandha tiġi limitata għal kompiti ta’ interess pubbliku (8).

5.3   Eżenzjonijiet tal-VAT (M6.): m'hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jinżammu l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri qabel l-1 ta’ Jannar 1978; dawn għandhom jiġu eliminati: bħala privileġġi negozjati mal-Istati Membri fi żmien meta l-UE ġiet imwaqqfa jew ftit wara, dawn issa jikkostitwixxu devjazzjoni inaċċettabbli mill-prinċipji tas-Suq Uniku. L-istess raġunament japplika għall-Istati Membri l-ġodda fejn l-eżenzjonijiet għalihom għandhom jitneħħew gradwalment b'konformità mat-titjib fl-istandards tal-għajxien tagħhom, filwaqt li jitwaqqfu kriterji sabiex dawn jiġu valutati.

5.3.1   L-eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet li jsiru fl-interess pubbliku u attivitajiet oħra huma aktar kumplessi u jeħtieġu approċċ b'aktar sfumaturi. Iż-żewġ tipi ta’ eżenzjoni jiddependu fuq l-orjentazzjonijiet ta’ politika u l-politiki ekonomiċi ta’ kull Stat Membru; minkejja li dawn jikkontradixxu l-prinċipji tas-Suq Uniku, dawn jistgħu jintużaw bħala strumenti biex jappoġġjaw il-politiki nazzjonali ta’ tkabbir u tal-impjieg. Fi kwalunkwe każ, politika futura ta’ governanza tajba għandha tippermetti dan it-tip ta’ eżenzjonijiet biss bħala miżuri ta’ eċċezzjoni u temporanji. Kif stqarr preċedentement fl-opinjoni tiegħu dwar il-VAT fuq is-servizzi finanzjarji (9), il-Kumitat jilqa' approċċ leġislattiv aktar komplet biex jiġu eliminati d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni u l-problemi mhux solvuti li għad fadal. Barra minn hekk, fir-rigward tal-introduzzjoni possibbli ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (10), il-Kummissjoni għandha tanalizza l-vantaġġi li tfassal din it-taxxa fi ħdan il-qafas tal-VAT, biex jiġi żgurat approċċ aktar faċli, mil-lat amministrattiv, għas-settur u biex ittaffi l-piż ta’ VAT li ma jistax jerġa' jiġi rkuprat.

5.3.2   L-eżenzjonijiet mogħtija lill-SMEs f'ċerti pajjiżi huma każ speċjali; dawn għandhom jiġu eliminati. Kif jaf kulħadd, l-evażjoni tal-VAT hija problema serja fil-pajjiżi kollha; il-possibbiltà “evażjoni legali” tal-VAT fil-pajjiżi ġirien tkompli żżid ix-xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi minn dawn il-pajjiżi. Konsegwenza addizzjonali għall-pajjiżi mingħajr eżenzjoni tal-VAT hija d-dgħajfin tal-isforzi għall-ġlieda kontra l-evażjoni illegali mit-taxxa u t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-SMEs li jikkonformaw mar-regoli.

5.4   Tassazzjoni tat-trasport tal-passiġġieri (M.7): ir-risposta diġà tinstab fl-ispirtu tal-kummenti tar-risposta għall-M.3 (punt 5.2 hawn fuq); għandha tapplika għall-mezzi kollha tat-trasport inkluż it-trasport bl-ajru (li wara kollox jidher li diġà huwa il-każ).

5.5   Problemi marbutin mad-dritt tat-tnaqqis (M.9): id-deduċibbiltà tal-VAT hija waħda mill-problemi ewlenin għall-intrapriżi: kumplikata, diffiċli tiġi applikata f'diversi każijiet, sors ta’ diżgwid, tilwim u multi. Barra minn hekk hija bbażata fuq prinċipju inġust, li l-Kummissjoni stess tfakkar: id-dritt għat-tnaqqis (imma wkoll id-dmir li titħallas il-VAT) jirriżulta meta jsir il-forniment tal-oġġett jew tas-servizz, kemm jekk ix-xerrej jew il-klijent ikunx ħallas għall-oġġetti jew is-servizzi u kif ukoll jekk ma jkunx. Dawk li jħallsu tard għandhom ukoll dak li l-Kummissjoni ssejjaħ “vantaġġ f'termini ta’ fluss tal-flus” li wieħed jista' jsejjaħ ukoll ġbir assigurat assigurat għat-taxxa, antiċipat mill-bejjieħ jew il-fornitur u ggarantit anke fil-każ ta’ insolvenza minn naħa tax-xerrej jew il-klijent  (11)

5.5.1   Problema oħra importanti hija t-tnaqqis tal-VAT permezz ta’ kumpens meta jkun hemm bilanċ pożittiv għal min hu soġġett tat-taxxa: f'xi Stati Membri ir-rimbors isir wara dewmien twil, li jista' jagħmel ħsara lill-fluss tal-flus tal-intrapriżi li f'xi każi jwassal għall-falliment tagħhom. L-Istati Membri joġġezzjonaw li s-sistema ta’ kumpens twassal għal riskju ta’ frodi, li huwa minnu, iżda hija r-responsabbiltà tagħhom li jwettqu kontrolli rapidi; il-konsegwenzi tal-ineffiċjenzi tagħhom qed jitħallsu mill-intrapriżi.

5.5.2   Il-Kumitat jaqbel mal-argumenti tal-Kummissjoni favur sistema ta’ kontabbiltà tal-kontanti fil-kummerċ intrakomunitarju bħala soluzzjoni ġusta u newtrali possibbli, l-aktar mil-lat tal-fluss tal-flus tal-intrapriżi. Mandankollu, din is-soluzzjoni ma tkunx possibbli fil-kummerċ intrakomunitarju jekk ma tinħoloqx sistema ta’ kumpens li tuża mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop) li l-Kummissjoni pproponiet iżda li qed jiltaqa' ma diversi ostakli fl-implimentazzjoni tiegħu.

5.6   VAT applikabbli għas-servizzi internazzjonali (M.11): l-importanza tas-servizzi internazzjonali, b'mod partikolari dawk fornuti permezz tal-internet, jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ regoli speċjali għal dawn is-servizzi; f'xi każijiet in-natura immaterjali tagħmilha diffiċli biex jitwettqu kontrolli dwar il-ħlas tal-VAT mill-fornituri, l-aktar meta dawn ikunu qed ifornu lill-individwi (programmi, mużika, eċċ.). Dawn il-kontrolli huma impossibbli meta l-fornituri jkunu jgħixu fi stat barra mill-UE; l-OECD kif ukoll il-Kummissjoni qed janalizzaw din il-problema iżda s-soluzzjoni la tidher faċli u l-anqas waħda li ser isseħħ ma ddumx.

5.6.1   Il-problemi ewlenin jinsabu fid-distorsjoni kbira tal-kompetizzjoni tas-servizzi offruti minn dawk fl-UE meta mqabbla ma’ dawk minn barra, ma jeżistux wisq mezzi effettivi li jistabbilixxu l-ordni, ħlief għall-possibbiltà ta’ ftehimiet internazzjonali ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali. Madankollu, il-Kumitat huwa kontra l-adozzjoni ta’ miżuri tat-tip li ġew adottati fil-Kanada, li jwasslu biex jiġbru t-taxxa mill-konsumaturi, b'kontroll li jivverifika l-ħlasijiet li jwettqu permezz tal-internet. Apparti mill-inkonvenjenza għall-konsumaturi li jridu jħallsu l-VAT għal kull xirja, il-kontrolli previsti huma indħil inammissibbli fil-ħajja privata taċ-ċittadini.

5.7   Il-liġi tal-UE fil-qasam tal-VAT (M.13): l-artikolu 113 tat-Trattat jagħti lill-Kunsill il-poteri kollha fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw il-VAT; għaldaqstant ma jeżisti l-ebda limitu dwar l-istrument li jintgħażel, jekk hux direttiva jew regolament. Fid-dawl tal-esperjenza u tat-tendenza fost l-Istati Membri li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet skont il-perspettiva tagħhom, bla dubju l-għażla ta’ regolament tal-Kunsill hija preferibbli. Madankollu, f'perspettiva realistika, id-dispożizzjonijiet leġislattivi f'dan ir-regolament iridu jkunu limitati għal xi aspetti bażiċi: il-kamp tal-applikazzjoni, id-definizzjoni tal-persuni taxxabbli, eżenzjonijiet, kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, ġlieda kontra l-frodi. Iżda aktar ma jkunu ddettaljati d-dispożizzjonijiet akbar ser tkun id-diffikultà biex jinkiseb kunsens fi ħdan il-Kunsill, li b'hekk jaqa' fuq il-ħtieġa ta’ direttivi ta’ implimentazzjoni.

5.7.1   Regoli implimentattivi (M.14): is-soluzzjoni li l-Kummissjoni titħalla tadotta Deċiżjonijiet Implimentattivi tkun waħda tajba, iżda mill-1997, il-Kunsill ma tax il-kunsens tiegħu. Wieħed irid jara jekk dan il-kunsens jingħatax b'deċiżjoni mill-maġġoranza: ir-regola tal-unanimità (prerogattiva tal-Kunsill) ma tantx tista' tinbidel għal delegazzjoni tal-poteri lill-Kummissjoni. Deċiżjoni favorevoli tintlaqa' b'sodisfazzjon, iżda l-Kumitat jibża' li din mhijiex realistika.

5.7.2   Il-gwida dwar ir-regoli leġislattivi l-ġodda (M.15): il-pubblikazzjoni tal-gwida tal-Kummissjoni tkun utli għall-Istati Membri li jkunu jridu jikkonformaw magħha. Jista' jkun hemm xi diffikultajiet għall-fatt li mhumiex obbligatorji: xi persuni taxxabbli kif ukoll xi amministrazzjonijiet jistgħu jqajmu tilwim fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni, jew l-implimentazzjoni ħażina tal-gwida meta m'għandha l-ebda valur legali. Għaldaqstant ikun f'idejn il-qrati biex jiddeċiedu fuq il-bażi tal-każ individwali, dwar il-merti tal-kawża li qed tirreferi għall-gwida li l-validità tagħha ser tiġi kkuntestata.

5.7.3   Titjib fil-proċess leġislattiv (M16): fil-qasam tat-titjib tal-proċess leġislattiv aktar milli dwar miżuri wieħed għandu jitkellem dwar bidla fl-approċċ u l-metodu. Fil-fażijiet inizjali, il-Kummissjoni tadotta atteġġjament ta’ trasparenza u ta’ ftuħ: konsultazzjonijiet minn qabel mal-Istati Membri, laqgħat tal-kumitati konsultattivi tagħha, Green Papers u kuntatti mal-partijiet interessati. Filwaqt li dan jiġri fil-fażijiet bikrin, aktar tard, il-proċeduri fil-Kunsill isiru anqas trasparenti u anqas miftuħa għall-offerti ta’ djalogu li jiġu minn barra.

5.7.4   Fil-fażijiet finali, fil-livell nazzjonali, it-titjib jista' jkun it-tħaffif tal-proċess legali tal-adozzjoni tad-direttivi u tar-regolamenti tal-implimentazzjoni; dawn tal-aħħar, b'mod partikolari, spiss tonqoshom iċ-ċarezza u l-preċiżjoni, li jwassal biex ir-rispett tar-regoli minn naħa tal-operaturi u xi drabi tal-istess amministrazzjonijiet isir diffiċli. Fil-livell Ewropew, għandu jintlaħaq ftehim dwar żmien raġonevoli bejn id-data limitu għat-traspożizzjoni tad-direttiva mill-Istati Membri għad-dħul fis-seħħ tal-miżuri l-ġodda.

5.8   Derogazzjonijiet għall-Istati Membri (M17): jekk wieħed iħares biss lejn il-lista li fiha aktar minn mitt deroga turi li l-Istati Membri, speċjalment xi wħud fosthom, jiddependu wisq minn dawn il-faċilitajiet, kif ukoll mit-tiġdid tal-validità tagħhom. Bir-raġun, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li dan it-traqqigħ joħloq konfużjoni, spejjeż, distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u spiss jgħin biex isiru l-frodi; hija qed titlob li jkollha aktar poter biex tagħti d-derogazzjonijiet malajr u meta meħtieġa. Il-Kumitat jaqbel, iżda fl-istess waqt jitlob li jkun hemm reviżjoni globali bil-għan li tintlaħaq ċertezza li d-derogazzjonijiet attwali għadhom ġustifikabbli.

5.8.1   Proċedura għall-għoti tad-derogazzjonijiet (M.18): il-proċedura attwali tieħu ż-żmien u t-talba għall-poteri meħtieġa biex jitħaffef il-proċess hija ġustifikata; fl-istess waqt, il-Kumitat jitlob li l-kriterji tal-għoti jkunu aktar rigorużi u li l-lista tad-derogazzjonijiet tiġi aġġornata b'mod kostanti u tista' tiġi kkonsultata b'faċilità u ħeffa.

5.9   L-istruttura kurrenti tar-rati tat-taxxa (M19): żgur li l-istruttura attwali tar-rati hija devjazzjoni mill-prinċipju tas-suq uniku; għad irid jiġi stabbilit jekk, u sa liema punt, id-differenzi fir-rati huma metodu ta’ aġġustament għas-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ attività jew oħra. F'dak li jirrigwarda r-rati differenti applikati għal prodotti simili, partikolarment is-servizzi fuq l-internet meta mqabbla ma’ prodotti u servizzi li għandhom kontenut simili, il-Kumitat jirrimarka li b'mod ġenerali huma l-konsumaturi li jgawdu mit-tnaqqis fil-prezzijiet. F'dak li jikkonċerna l-prodotti, l-ispejjeż tat-trasport sa ċertu punt jibbilanċjaw l-ispejjeż ta’ negozju tradizzjonali, u għaldaqstant VAT ugwali tkun ta’ ħsara għax-xerrejja minn fuq l-internet. Għas-servizzi, il-mistoqsija hija waħda miftuħa u teħtieġ li titqies aktar fil-fond. Fl-aħħar, b'mod ġenerali, prodotti simili għandhom ikunu soġġetti għall-istess tariffi.

5.9.1   Rati tal-VAT imnaqqsa (M20): it-tneħħija ta’ rati mnaqqsa tista' tidher ħaġa tajba, iżda din l-ipoteżi mhijiex waħda realistika; iżda żgur li l-lista għandha tiqsar, jew fi kwalunkwe każ tiġi riveduta b'mod rigoruż: ċerti faċilitazzjonijiet li ilhom, pereżempju, mhumiex aċċettabbli, meta wieħed iqis il-bidliet li saru minn dak iż-żmien.

5.9.2   Il-ħolqien ta’ lista ta’ rati mnaqqsa obbligatorji u applikati b'mod uniformi hija ipoteżi interessanti, iżda hija wkoll mhijiex realistika. Ir-rati mnaqqsa jintużaw minn kull Stat Membru bħala lieva b'saħħitha tal-politika ekonomika, u xi drabi għal raġunijiet soċjali jew purament politiċi. Hu x'inhu l-każ, l-Istati Membri qatt ma jistgħu jaċċettaw li jċedu l-għoti individwali tat-tnaqqis fir-rati. Wieħed ikun jista' jirraġuna b'mod differenti meta l-Ewropa jkollha governanza ekonomika, li tirregola b'mod uniku l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri kollha.

5.10   Problemi li jikkonċernaw ir-regoli kurrenti (M21): il-problemi li l-operaturi, il-bejjiegħa u x-xerrejja jiltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ burokrazija żejda huma marbutin mar-regoli numerużi imposti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri, spiss differenti u li xi drabi jwasslu għal xogħol doppju. Fosthom ta’ min isemmi b'mod partikolari: id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi, l-obbligu li jinżamm reġistru, l-obbligu li jiġu pprovduti l-provi dokumentati, l-obbligu li jsiru d-dikjarazzjonijiet, l-obbligu li jiġu pprovduti l-fatturi (fatturazzjoni elettronika), l-obbligu li ssir ir-reġistrazzjoni fi Stati Membri oħra u d-distinzjoni bejn il-konsenja u l-prestazzjoni. Il-problemi tal-lingwa jwasslu wkoll għal spejjeż u riskji ta’ nuqqas ta’ ftehim perikoluż.

5.10.1   Rimedji għall-problemi (M22): ir-rimedji ġew issuġġeriti mill-Kummissjoni permezz ta’ diversi direttivi u rakkomandazzjonijiet, kollha bil-għan tas-semplifikazzjoni amministrattiva, fosthom il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop), il-ħolqien ta’ numru ta’ identifikazzjoni Ewropew għall-operaturi, l-użu tal-informatika fl-amministrazzjonijiet. Il-problema hija li l-amministrazzjonijiet ma implimentawx dawn il-miżuri ħlief b'mod limitat, xi drabi b'modi differenti u b'dewmien twil. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-proċeduri jsiru għan prijoritarju, iktar importanti mill-istess semplifikazzjoni (12).

5.11   L-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar (M.24): reviżjoni ġenerali tal-iskemi tal-eżenzjoni tista' tkun ġustifikata minn perspettivi differenti: distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, verifika tal-persistenza tar-raġunijiet li fil-bidu kienu wasslu biex jingħataw, l-impatt fuq il-baġit ta’ kull Stat Membru, sitwazzjoni ekonomika ġenerali, konsegwenzi għall-kompetittività, l-impjiegi u l-konsumaturi, il-konsistenza mal-għanijiet tal-Ewropa 2020. Iżda fundamentalment, il-kwistjoni għandha aspetti politiċi importanti, u wieħed irid jara jekk il-Kunsill għandux ir-rieda li jitratta din il-problema.

5.12   Il-ħtiġijiet tal-bdiewa ż-żgħar (M26): jekk il-mistoqsija tikkonċerna verament il-bdiewa “ż-żgħar”, allura fil-maġġoranza tal-każijiet il-problema għandha tirrigwarda biss it-traffiku transkonfinali fil-viċinanzi. Minħabba fil-volum relattivament żgħir tiegħu, tista' tkun possibbli skema ta’ eżenzjoni ġenerali.

5.13   Mekkaniżmu ta’ punt uniku (one-stop-shop) (M27): il-Kumitat jikkonferma l-kummenti (13) kollha li saru dwar it-twaqqif ta’ punt uniku  (14): il-punt uniku jkun is-soluzzjoni tajba biex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiġi semplifikata l-amministrazzjoni, ladarba tinstab soluzzjoni ġenerali u kkoordinata għall-problemi numerużi li għad iridu jiġu trattati: il-ħolqien ta’ reġistru elettroniku rikonoxxut fl-UE kollha, it-tneħħija tal-obbligu li jsiru trasferimenti finanzjarji diretti bejn id-debituri u l-Istati Membri kredituri, l-armonizzazzjoni ta’ diversi regoli nazzjonali, speċjalment dawk li jirrigwardaw il-perjodi ta’ dikjarazzjoni.

5.14   Transazzjonijiet transkonfinali (M28): ir-risposta diġà tinstab fit-termini li bihom qed titpoġġa l-mistoqsija: ir-regoli attwali żgur li joħolqu diffikultajiet lill-intrapriżi, jew lill-gruppi intra-UE, kif ukoll lill-amministrazzjonijiet. Ir-regoli dettaljati li japplikaw fil-qasam huma b'neċessità kkumplikati għall-intrapriżi li jridu jżommu magħhom u għall-amministrazzjonijiet li jridu jwettqu l-kontrolli. Soluzzjoni, li għandha d-diffikultajiet tagħha, tista' tkun li l-multinazzjonali jiġu kkunsidrati bħala taxxabbli biss taħt ir-regoli tal-pajjiż fejn tkun is-sede ewlenija, ikun liema jkun il-pajjiż tal-oriġini jew ta’ destinazzjoni, ħlief meta tkun dovuta kumpensazzjoni għas-somom li tħallsu iktar jew inqas permezz tal-mekkaniżmu ta’ punt uniku. Id-diffikultà prinċipali tkun il-possibbiltà akbar ta’ frodi. Bħala konklużjoni, il-problema tant hija kkumplikata li huwa biss grupp ta’ studju iffurmat minn speċjalisti fil-qasam, amministrazzjonijiet u gruppi, li fl-aħħar mill-aħħar ikun jista' jressaq proposti raġonevoli.

5.15   Sinerġiji ma’ dispożizzjonijiet oħra leġislattivi (M29): il-Kumitat diġà rrisponda fid-dettall għal din il-mistoqsija fl-opinjoni tiegħu “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (15) F'dan id-dokument huwa enfasizza l-ħtieġa li d-direttivi dwar il-VAT jiġu kkoordinati (id-direttivi “doganali”) mad-direttivi dwar it-tassazzjoni diretta u dawk li jikkonċernaw il-ħasil tal-flus. Bl-istess mod iqis li huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni strutturata u kollaborazzjoni organizzata b'mod strutturali bejn il-korpi differenti inkarigati mill-ġlieda kontra l-evażjoni u kontra l-kriminalità organizzata. Ma sar xejn f'dawn l-oqsma fil-livell tal-UE u ma jidhirx li l-proposti tal-Kumitat ingħataw l-iċken attenzjoni.

5.16   Arranġamenti tal-ġbir tal-VAT (M30): fost l-erba' alternattivi proposti, it-tieni li tipprevedi bażi ta’ data ċentrali li fiha tidħol id-data kollha tal-fatturi, tidher li hija bil-bosta l-aħjar waħda: sempliċi u effikaċi fil-ġlieda kontra l-frodi. Iżda l-fatturazzjoni elettronika toħloq spejjeż konsiderevoli għall-intrapriżi. Madankollu, il-professjonisti fl-amministrazzjoni u fl-intrapriżi għandhom ikollhom l-aħħar kelma. Minn naħa tiegħu, il-Kumitat josserva li l-aspett pożittiv ewlieni huwa li dan il-metodu jidher l-aħjar wieħed biex jiġġieled il-frodi.

5.17   Sistema ta’ ħlas maqsum fakultattiv (M31): il-Kumitat jesprimi l-perplessità tiegħu dwar l-għażla ta’ sistema ta’ ħlas maqsum, kif inhi proposta fl-ewwel mudell fil-punt 5.4.1 tal-Green Paper peress li l-obbligu ta’ ħlas doppju għal kull transazzjoni jikkomplika l-kontabbiltà u jimmultiplika l-possibbiltà ta’ żbalji. Barra minn hekk, skont ċerti esperti m'hemmx ċertezza li dan il-mudell joffri garanzija assoluta u infallibbli kontra l-frodi “tal-kummerċjant nieqes”. Fi kwalunkwe kas, jidher li għandha tiġi evitata wkoll l-għażla ta’ sistema fakultattiva: dan imur kontra l-prinċipju tal-armonizzazzjoni li diġà għandu ħafna eċċezzjonijiet.

5.18   Relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-awtoritajiet fiskali (M32): fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2008 (16), il-Kummissjoni kienet diġà indikat il-linji gwida (pjan ta’ azzjoni) ta’ politika mmirata li ttejjeb, fil-livell tal-Istati Membri, ir-relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-awtoritajiet fiskali. Il-Kumitat kien wassal il-kummenti u l-proposti tiegħu permezz ta’ opinjoni  (17) li fiha, filwaqt li esprima l-qbil tiegħu mal-proposti tal-Kummissjoni (sostanzjalment l-istess bħal dawk tal-Green Paper), enfasizza l-ħtieġa li l-ħarsien tad-data dwar l-operaturi tingħata importanza akbar, li l-amministrazzjonijiet jieħdu r-responsabbiltà fir-rigward ta’ min iħallas it-taxxa f'każ ta’ żball jew abbuż ta’ poter min-naħa tagħhom, li jkun hemm approċċ ġust għall-obbligu konġunt. Dan kollu mingħajr ma jintesew ir-rakkomandazzjonijiet magħmula b'mod ripetut dwar iċ-ċarezza u l-ħeffa tal-informazzjoni u l-aċċessibbiltà tagħhom permezz tal-internet, l-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali lill-operaturi fil-kuntatti tagħhom mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra eċċ.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 224, 30.08.2008, p. 124, dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, (COM(2007) 747 finali – 2007/0267 CNS).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 248, 25.08.2011, p. 64, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 finali).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-regoli u l-post tal-forniment tas-servizzi, ĠU C 117, 30.04.2004, p. 15 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar “It-titjib tat-tħaddim tas-sistemi tat-taxxa fis-suq intern (Fiscalis 2013)”ĠU C 93, 27.04.2007, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti); “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”ĠU C 255, 22.09.2010, p. 61; u “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar is-semplifikazzjoni tal-VAT, ĠU C 267, 27.10.2005, p. 30 (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Abbuż fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ĠU C 77, 31.03.2009, p. 139

(7)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SEC(2010)1455 tal-1.12.2010.

(8)  Is-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) – Protokoll tal-Konferenza intergovernamentali Nru 26, 23.7.2007

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 224, 30.08.2008, p. 124, dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (COM(2007) 747 finali – 2007/0267 CNS).

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE ĠU C 248, 25.08.2011, p. 64, dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju (COM(2010) 549 finali).

(11)  F'ħafna Stati Membri ir-rifond tal-VAT fuq provvisti jew servizzi li fl-aħħar ma jitħallsux jirriżultaw f'proċeduri twal, ikkumplikati u għaljin.

(12)  Il-Kumitat esprima l-fehma tiegħu f'diversi okkażjonijiet: Opinjoni tal-KESE “Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid)”ĠU C 74, 23.03.2005, p. 21; Opinjoni tal-KESE “Regoli dwar il-fatturazzjoni”ĠU C 306, 16.12.2009, p. 76 u l-opinjonijiet tal-KESE kollha msemmija bħala referenza f'dan it-test.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar is-semplifikazzjoni tal-VAT, ĠU C 267, 27.10.2005, p. 45 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  COM(2004) 728 finali

(15)  Opinjoni tal-KESE “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 61.

(16)  COM(2008) 807 finali li jakkumpanja l-COM(2008) 805 finali - 2008/0228 (CNS).

(17)  Opinjoni tal-KESE “l-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni”ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Test tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata li nċaħad biex tiddaħħal l-emenda adottata fl-Assemblea.

Punt 1.3:

Il-Kumitat jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li sistema ta’ VAT globali għandha tnaqqas l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi għall-amministrazzjonijiet, u t-tentattivi ta’ frodi li huma ta’ piż fuq il-finanzi pubbliċi. Ma dawn jeħtieġ li jiżdiedu l-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tal-konsumaturi, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk mitluba jħallsu t-taxxa u li jitqies il-piż ta’ din l-ineffiċjenza.

Riżultat tal-votazzjoni: 81 vot favur, 45 vot kontra u 29 astensjoni.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE”

COM(2010) 769 finali

2011/C 318/15

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar l-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE

COM(2010) 769 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'74 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-eżistenza ta’ ġurisdizzjonijiet fiskali differenti fl-UE tqiegħed piż addizzjonali fuq iċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu, jinvestu u joperaw min-naħa għall-oħra tal-fruntiera minħabba t-tassazzjoni doppja u l-irduppjar ta’ rekwiżiti amministrattivi. Dawn il-kundizzjonijiet qed joħolqu impedimenti effettivi għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku u qed ixellfu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE. L-intrapriżi ż-żgħar ta’ spiss jiġu affettwati ħażin b'mod sproporzjonat minn dawn l-impedimenti.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li r-regoli fiskali eżistenti fl-Unjoni mhumiex kapaċi jipprevjenu d-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi differenti u jeliminaw l-ostakoli għal-libertà tal-moviment tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

1.3

Sabiex isir rimedju għal dawn il-problemi, il-KESE jirrakkomanda l-azzjonijiet li ġejjin, li huma mmirati lejn it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja u t-titjib tas-semplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali:

it-twaqqif ta’ servizzi ta’ punt ta’ waqfa waħda li bihom iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni, iħallsu t-taxxa u jirċievu ċ-ċertifikati u d-dokumenti meħtieġa għall-użu fl-UE kollha;

is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi applikati għas-sitwazzjonijiet transkonfinali għandha titwettaq fuq bażi bilaterali u multilaterali fl-Istati Membri kollha, inklużi, fost oħrajn, it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja u l-utilizzazzjoni tal-istrumenti amministrattivi sabiex jiġi żgurat it-tħaddim mingħajr xkiel tal-bosta ftehimiet eżistenti dwar it-tassazzjoni doppja;

l-għoti ta’ deċiżjonijiet minn qabel dwar it-tassazzjoni, li jagħtu informazzjoni dwar ir-riżultat tat-taxxa dovuta finalment, li jiġi adattat speċifikament għall-kontribwent individwali;

it-twaqqif ta’ Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali indipendenti li, wara perjodu bikri inizjali jopera taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ewropea b'riżorsi speċifiċi u funzjonijiet mogħtija lilu b'mod ċar, fl-istess ħin tul perjodu ta’ tliet snin għandu jiġi żviluppat f'istituzzjoni b'personalità ġuridika sħiħa skont il-liġi pubblika bl-istatus ta’ Aġenzija ta’ Politika. L-għan tal-Osservatorju huwa li, fuq bażi kontinwa, jinkiseb fehim dettaljat u prattiku dwar l-ostakoli fiskali eżistenti u l-iżvilupp tagħhom. Il-funzjonijiet mogħtija lilu għandhom jinkludu:

l-investigazzjoni tal-ostakoli fiskali hekk kif jiġu rrappurtati miċ-ċittadini tal-UE;

it-twettiq ta’ riċerka sabiex jiġu skoperti ostakoli oħra;

l-investigazzjoni tal-effettività ta’ sforzi kontinwi għat-tneħħija tal-ostakoli;

l-istima tal-effetti fuq iċ-ċittadini tal-UE tal-kwistjonijiet eżaminati mill-Osservatorju;

valutazzjonijiet regolari tal-bidliet fil-politiki fiskali u r-rekwiżiti amministrattivi fi ħdan l-Istati Membri tal-UE sabiex jiġi vvalutat kemm u kif jistgħu jkunu qed jevolvu l-ostakoli fiskali, u biex b'mod speċifiku jiġu enfasizzati u rappurtati d-drabi meta dawn l-ostakoli jibdew jiżdiedu;

l-istudju tal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi għall-ibbilanċjar fiskali, li bihom dawk il-ħaddiema li ta’ spiss ibiddlu l-post tax-xogħol tagħhom bejn il-pajjiżi fi ħdan l-UE ikunu jistgħu jħallsu t-taxxa dejjem fl-istess ġurisdizzjoni unika, possibbilment fil-pajjiż fejn il-ħaddiem ikun reġistrat għas-sigurtà soċjali;

jiġi studjat kemm hija effettiva l-armonizzazzjoni fil-kuntest ta’ skemi fiskali speċifiċi bħalma hija l-VAT u l-mod kif l-implimentazzjoni tagħha, jew in-nuqqas tagħhom, qed ikollha impatt fuq id-distorsjonijiet fiskali fi ħdan is-Suq Uniku;

it-twaqqif ta’ gruppi ta’ ħidma ad hoc għall-ġbir tal-informazzjoni u l-proposta ta’ soluzzjonijiet fil-kuntest tal-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija;

il-ħruġ ta’ rapporti fuq bażi regolari u ad hoc sabiex jingħataw id-dettalji tar-riżultati tal-ħidma tal-Osservatorju u biex jitressqu rakkomandazzjonijiet għat-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali.

1.4

F'termini aktar ġenerali, fil-fehma tal-KESE r-responsabbiltà għat-twettiq effiċjenti tal-proċeduri fiskali fis-sitwazzjonijiet transkonfinali m'għandhiex titqiegħed fuq iċ-ċittadin individwali, iżda għandu jkun hemm mekkaniżmi adegwati fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri operattivi jkunu sempliċi u ċari biżżejjed sabiex iċ-ċittadin ikun jista' jlaħħaq magħhom. Filwaqt li jiġi rikonoxxut il-kontribut validu mill-faċilitajiet disponibbli għaċ-ċittadini biex jirrappurtaw l-ostakoli fiskali, l-isforz ta’ politika għat-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli għandu jipprogressa lil hinn minn dan.

1.5

Bil-proposta tiegħu ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-KESE, f'dan l-istadju, qed jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakoli fiskali iktar milli jindirizza l-kwistjoni iktar ġenerali tal-armonizzazzjoni fiskali. Din tal-aħħar tista' tiġi interpretata bħala waħda mill-kriterji meħtieġa għal Suq Uniku, iżda tista' tkun ukoll f'kunflitt ma’ objettivi fundamentali oħra tal-Unjoni Ewropea.

1.6

It-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali hija meħtieġa sabiex jiġu rispettati d-drittijiet individwali taċ-ċittadini, tiġi promossa l-kompetittività, b'mod speċjali tal-SMEs, u jiżdiedu l-għarfien u l-bażi tar-riċerka tal-ekonomija Ewropea b'konformità mal-miri tal-UE 2020.

2.   Kuntest

2.1

Il-programm ta’ azzjoni oriġinali taħt l-Att dwar is-Suq Uniku kien immirat lejn it-tneħħija tal-ostakoli kollha relatati mat-taxxa għall-intrapriżi transkonfinali. Il-White Paper tal-1985 pproponiet miżuri li l-mira tagħhom kienet l-eliminazzjoni tal-ostakoli fiskali permezz tat-tneħħija tal-ostakoli relatati mat-taxxi indiretti differenti, iżda dawn il-kwistjonijiet għadhom pendenti. Hemm bżonn votazzjoni unanima sabiex jiġu stabbiliti, jew emendati, miżuri li jinvolvu t-tassazzjoni.

2.2

It-tneħħija tal-ostakoli fiskali fost l-Istati Membri hija msemmija fl-“Istrateġija Ewropa 2020” (1), li tenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli fiskali għall-ksib ta’ Suq Uniku li jopera bis-sħiħ.

2.3

Fit-12 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni bbażata fuq kwistjonijiet relatati mat-tneħħija tal-ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, b'referenza speċifika għad-dħul, il-kapital, u t-taxxa fuq il-wirt, it-taxxa fuq id-dividendi, ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u t-taxxi fuq iċ-ċirkolazzjoni, u t-tassazzjoni fis-suq tal-kummerċ elettroniku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, it-tkabbir fil-moviment tal-oġġetti, is-servizzi u l-kapital qajjem aktar tħassib dwar problemi assoċjati mat-tassazzjoni transkonfinali, kif ġie rrappurtat permezz ta’ inizjattivi bħalma huma s-Servizz ta’ Informazzjoni għaċ-Ċittadini, is-SOLVIT, iċ-Ċentri ta’ Kuntatt Europe Direct, iċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u s-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (il-EURES). Il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar fl-implimentazzjoni tal-politiki fiskali ġiet rikonoxxuta wkoll mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fiż-żona tal-euro.

3.2

Il-kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni fiskali relatati ma’ restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità jew restrizzjonijiet oħra mhux ġustifikati jiġu ttrattati l-aktar permezz tar-regoli tat-Trattat tal-UE. Madankollu, is-sistema attwali ma tipproteġix liċ-ċittadini tal-UE mill-problemi varji l-oħra, inklużi l-aċċess limitat għall-informazzjoni fiskali, li huwa meqjus bħala ostakolu maġġuri għas-sitwazzjonijiet transkonfinali (2), it-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tqabbil minħabba strutturi fiskali differenti. Minkejja li huwa rikonoxxut sew li l-armonizzazzjoni fiskali sħiħa la hija mixtieqa u lanqas fattibbli, hemm bżonn miżuri li jnaqqsu l-ostakoli fiskali għall-kummerċ transkonfinali.

3.3

It-tassazzjoni doppja fuq id-dħul hija waħda mill-ostakoli prinċipali għall-attività transkonfinali u tillimita l-funzjonijiet tas-Suq Intern. Ostakoli fiskali oħra huma relatati mal-problemi fil-ksib tal-indennizzi, il-ħelsien mit-taxxi u t-tnaqqis mill-awtoritajiet fiskali barranin. F'ċerti każijiet iċ-ċittadini tal-UE jħallsu taxxi ogħla fuq id-dħul barrani. Id-diskriminazzjoni fil-profitti tal-kapital tippreżenta sfida oħra lill-Istati Membri. Skont is-sistema attwali, l-investituri barranin fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE huma mitluba jħallsu taxxi ogħla mir-residenti. Il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta soluzzjonijiet potenzjali billi l-ewwel tħejji valutazzjoni tal-impatt sabiex tqis il-problemi li ġejjin mill-funzjonament mhux adatt jew insuffiċjenti tal-istrumenti eżistenti għall-ħelsien mit-tassazzjoni doppja, bħat-trattati bilaterali ta’ tassazzjoni doppja kemm fuq id-dħul kif ukoll fuq il-kapital.

3.4

Stati Membri differenti japplikaw regoli differenti tat-taxxa fuq il-wirt filwaqt li l-ftehimiet fiskali bilaterali fost l-Istati Membri huma limitati ħafna. Aktar minn 80 % ta’ dawn l-Istati Membri għandhom taxxa fuq il-wirt filwaqt li l-bqija adottaw taxxa fuq l-assi. Il-Kummissjoni bdiet proċess ta’ konsultazzjoni, u dalwaqt ser tipproponi kif l-Istati Membri jistgħu jfasslu sistemi ta’ taxxa fuq il-wirt mhux diskriminatorji u biex jagħmlu l-mekkaniżmi ta’ ħelsien mit-taxxa aktar komprensivi sabiex inaqqsu kemm jista' jkun l-ostakoli tat-taxxa fuq il-wirt transkonfinali.

3.5

It-taxxi fuq il-pagamenti tad-dividendi ġeneralment jitħallsu fiż-żewġ Stati Membri fejn ikunu involuti s-sitwazzjonijiet transkonfinali. Dan iqajjem problemi fir-rigward tat-tassazzjoni doppja ekonomika u ġuridika kif ukoll għal problemi ta’ rimborż fiskali, b'mod partikolari meta jkunu involuti diversi saffi ta’ tassazzjoni. Il-Kummissjoni qed tfassal valutazzjoni tal-impatt li minnha ser tinsilet inizjattiva biex issolvi l-problemi tat-tassazzjoni transkonfinali li jinħolqu meta d-dividends jitħallsu b'mod transkonfinali lill-investituri b'portafoll.

3.6

Il-ħtieġa għas-semplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-vetturi u t-taxxi taċ-ċirkolazzjoni fl-UE, li tinsab f'Direttiva (3) proposta mill-Kummissjoni fl-2005, għandha l-għan li gradwalment tneħħi t-taxxi fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi filwaqt li tiġi applikata sistema ta’ rimborż. Madankollu, għad m'hemm l-ebda ftehim unanimu dwar dan, u din il-kwistjoni qed terġa' tiġi vvalutata.

3.7

Ir-riċerka uriet li madwar 60 % tal-konsumaturi tal-UE jkollhom il-problemi meta jixtru oġġetti u servizzi onlajn min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (4). Il-kwistjonijiet tal-VAT huma wieħed mill-ostakoli fiskali li jiskoraġġixxu lill-intrapriżi milli jbiegħu l-prodott tagħhom fi Stati Membri barranin. Id-disponibbiltà ta’ punt ta’ waqfa waħda ffaċilitat il-kummerċ f'dan ir-rigward u t-tħeġġiġ għal applikazzjoni usa' ta’ din il-faċilità huwa meqjus bħala prijorità (5). Bħalissa għaddejja konsultazzjoni dwar din il-kwistjoni fil-forma ta’ Green Paper (6).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-ostakoli fiskali qed ifixklu t-twettiq tal-iskop prinċipali tas-Suq Unika, jiġifieri l-libertà tal-moviment tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

4.2

L-aċċess imtejjeb u informazzjoni aħjar huma kruċjali għall-governanza tajba fil-politika fiskali. Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument – “Il-Promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (7) – fejn kienet qalet li l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa twassal għal kooperazzjoni amministrattiva mtejba u b'hekk għal relazzjonijiet ekonomiċi aħjar. Dan jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri filwaqt li jippromovi l-ftehimiet bilaterali.

4.3

Fejn għadha teżisti t-tassazzjoni doppja, il-pajjiżi għandhom jitħeġġu jneħħuha b'modi komprensivi li jqisu kull forma ta’ tassazzjoni. Fejn diġà jeżistu l-ftehimiet għat-tneħħija tat-tassazzjoni doppja, għandhom jiġu implimentati arranġamenti speċifiċi (pereżempju arbitraġġ vinkolanti) sabiex ikun żgurat li ftehimiet bħal dawn jaħdmu sew. Barra minn hekk, huwa importanti li kwalunkwe sistema fiskali addizzjonali li jkun hemm fil-proċess ta’ implimentazzjoni tiġi eżaminata sabiex iċ-ċittadini tal-UE jiġu salvagwardjati minn elementi ġodda ta’ tassazzjoni doppja.

4.4

F'dan l-ispirtu, l-KESE jipproponi erba' miżuri bħala soluzzjoni għall-problemi tat-tassazzjoni doppja filwaqt li tittejjeb is-semplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali. Dawn il-miżuri huma: (i) it-twaqqif ta’ servizzi ta’ punt ta’ waqfa waħda; (ii) is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; (iii) l-għoti ta’ deċiżjonijiet fiskali minn qabel; u (iv) it-twaqqif ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju tat-tassazzjoni transkonfinali.

4.5

Il-punti ta’ waqfa waħda kif inhuma meqjusa f'dan id-dokument ikollhom żewġ għanijiet prinċipali. L-ewwel wieħed hu li jservu bħala ċentri ta’ informazzjoni fejn iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha meħtieġa relatata mat-tassazzjoni f'forma diretta, aċċessibbli u rilevanti. Il-KESE jipproponi wkoll it-tieni funzjoni għal dawn il-punti ta’ waqfa waħda, li jservu bħala punt ta’ servizz għaċ-ċittadini li jkollhom iħallsu t-taxxa billi joffru servizzi estiżi li jinkludu l-għoti ta’ ċertfikati u dokumentazzjoni relatati mat-tassazzjoni.

4.6

Sabiex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw l-għajnuna biex ikunu jistgħu jadattaw għar-regoli attwali u potenzjali futuri jeħtieġ li l-proċeduri amministrattivi attwali jiġu semplifikati. Din il-miżura tirreferi b'mod partikolari għall-ftehimiet dwar it-tassazzjoni doppja. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tas-sistemi fiskali li jiffokaw fuq l-għoti ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa minn qabel, li jkunu adattati għall-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sitwazzjonijiet individwali, hija mezz effiċjenti biex tittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri fiskali għaċ-ċittadini tal-UE u biex ikun hemm inqas inċertezza involuta fis-sitwazzjonijiet transkonfinali kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kumpaniji.

4.7

Fl-aħħar nett, permezz ta’ dan id-dokument, il-KESE qed jippromovi b'mod attiv it-twaqqif ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju relatat mal-ostakli għas-sitwazzjonijiet transkonfinali. Din l-inizjattiva hija meqjusa kruċjali għall-analiżi, fuq bażi frekwenti, tal-ostakoli attwali u potenzjali futuri li jinbtu mill-politiki fiskali u tal-effikaċja ta’ tali politiki fit-tneħħija tal-ostakoli. Ir-riżultati li joħorġu mir-riċerka u l-investigazzjonijiet regolari f'dan ir-rigward ser jiġu ppubblikati f'rapporti regolari flimkien ma’ proposti relatati mat-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli fiskali. L-Osservatorju jista' juża diversi sorsi biex jidentifika l-ostakoli, inklużi l-istrumenti disponibbli bbażati fuq ir-rappurtar miċ-ċittadini, kif ukoll permezz tat-twettiq ta’ riċerka speċifika. Wieħed mill-elementi importanti tal-funzjoni tar-rappurtar mill-Osservatorju jkun li jivvaluta l-implikazzjonijiet ta’ tali ostakoli għas-sigurtà soċjali, għaċ-ċittadini b'mod ġenerali, għall-kummerċ u għall-kategoriji speċifiċi fi ħdanhom.

4.8

L-implimentazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ Osservatorju tiżgura li l-politiki fiskali li qed jiġu implimentati jkunu effettivi fil-prattika, speċjalment fir-rigward tal-mobbiltà tal-impjieg. B'mod partikolari, l-Osservatorju jingħata mandat biex jistudja sistema li permezz tagħha l-ħaddiema li jibdlu l-impjieg minn pajjiż għal ieħor fuq bażi frekwenti jħallsu t-taxxi f'ġurisdizzjoni waħda, preferibbilment fil-pajjiż fejn il-ħaddiem ikun reġistrat għas-sigurtà soċjali. Din l-hekk imsejħa sistema ta’ “Bilanċjar Fiskali” tista' titħaddem permezz ta’ kmamar ta’ kumpens (clearing houses) li jitwaqqfu speċifikament għal dan il-għan, jew f'kumpaniji privati jew bħala parti minn istituzzjonijiet pubbliċi. L-Osservatorju jintalab jagħmel analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji f'dan ir-rigward, u biex iressaq rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar approċċi għall-implimentazzjoni ta’ tali sistemi f'kuntest differenti.

4.9

Barra minn hekk, l-Osservatorju għandu jwettaq studji dwar l-aħjar livell ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tas-sistemi fiskali speċifiċi bħall-VAT, li jippermettu analiżi iktar dettaljata assoċjata mal-impatt tad-distorsjoni tat-taxxa fuq l-elementi prinċipali tas-Suq Uniku. Fi ħdan l-Osservatorju jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma ad hoc biex jistudjaw problemi u kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jinħolqu minn żmien għal żmien u biex jipproponu soluzzjonijiet għalihom.

4.10

Fil-fehma tal-KESE l-proċeduri semplifikati jtejbu l-effiċjenza billi l-proċess tal-ksib tal-informazzjoni u kif jinfehmu r-regoli jsir iktar ċar u faċli li jinftiehem miċ-ċittadini tal-UE. Għandha tkun disponibbli informazzjoni adatta biex iċ-ċittadini jingħataw appoġġ aħjar biex jissodisfaw l-obbligu legali li jħallsu t-taxxi dovuti kif suppost.

4.11

Fl-istess ħin, il-KESE jemmen ħafna li għandha tintuża kull opportunità li joffru dawn il-miżuri biex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa.

4.12

Il-bżonn li jiġi stabbilit l-Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali huwa urġenti billi hemm evidenza sostanzjali li, mingħajr azzjoni immedjata, il-problema ser tkompli tikber b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali iktar serji iktar milli tonqos. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel nett l-Osservatorju jiġi stabbilit u jopera taħt il-partoċinju tal-Kummissjoni. Huwa rakkomandat li l-Kummissjoni tassenjalu l-awtorità u r-responsabbiltajiet u r-riżorsi speċifiċi li jippermettulu jwettaq il-funzjonijiet delegati lilu b'mod effettiv u kif definit f'din l-opinjoni. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li mill-iktar fis possibbli, l-Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali jiġi stabbilit bħala Aġenzija ta’ Politika b'personalità ġuridika sħiħa taħt il-liġi pubblika. Dan l-istatus legali jiżgura li l-Osservatorju jista' jkun kompletament indipendenti u jopera mingħajr kwalunkwe preġudizzju. Bħala Aġenzija ta’ Politika, l-Osservatorju jikkwalifika għall-allokazzjoni ta’ riżorsi speċifiċi neċessarji biex iwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu.

4.13

Hemm bżonn li tingħata attenzjoni lit-tneħħija tal-ostakoli fiskali irrispettivament mid-deċiżjonijiet rigward l-armonizzazzjoni fiskali. Din tal-aħħar tista' titqies teoretikament bħala waħda mill-kriterji meħtieġa għal Suq Uniku, tal-inqas fil-qasam tat-taxxa indiretta, iżda fil-prattika hija għan ta’ sfida kbira li, barra minn hekk, tista' tkun ukoll f'kunflitt mal-objettivi fundamentali l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, huwa iktar u iktar importanti li ssir enfasi fuq it-tneħħija tal-ostakoli fiskali għas-sitwazzjonijiet transkonfinali sabiex isir kontribut għat-twettiq tal-għanijiet tas-Suq Uniku. L-isforzi mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakoli fiskali għan-negozju transkonfinali huma meqjusa li jikkomplementaw u jiġu kkomplementati minn għadd ta’ inizjattivi importanti fis-seħħ, mhux tal-inqas dawk li jirrigwardaw il-proċess tal-UE 2020 u s-Small Business Act.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 2020 finali.

(2)  COM(2010) 769 finali.

(3)  COM(2005) 261 finali.

(4)  COM(2009) 557 finali u SEC(2009) 283 finali.

(5)  Fl-2004 l-Kummissjoni proponiet sistema ta’ “post ta’ waqfa waħda” (COM(2004) 728) li jippermetti li jintlaħqu ċerti obbligi ta’ rappurtar fl-Istati Membri fejn ikun stabbilit in-negozju. Madankollu, il-proposta s'issa għadha ma ġietx adottata.

(6)  COM(2010) 695 finali.

(7)  COM(2009) 201 finali.


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE”

COM(2010) 571 finali

2011/C 318/16

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar it-18 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE

COM(2010) 571 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar l-akkwist elettroniku u l-Green Paper dwar il-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li:

a)

l-implimentazzjoni ta’ qafas inter-Ewropew għall-akkwist elettroniku hija l-pedament għal kummerċ li jaħdem tajjeb fi ħdan is-suq intern jekk titqies l-importanza tal-akkwist pubbliku għall-PDG ta’ kull Stat Membru; u

b)

l-użu tal-akkwist elettroniku sal-livell tal-amministrazzjoni pubblika lokali għandu jitqies bħala strument ta’ politika importanti peress li l-akkwist elettroniku:

inaqqas l-ispejjeż għan-negozji u għall-amministrazzjoni pubblika;

iwassal għal proċess ta’ akkwist pubbliku aktar sempliċi, b’mod partikolari jekk jintgħażlu l-istrumenti tal-akkwist elettroniku bħall-irkanti elettroniċi (e-Auctions) u s-sistemi dinamiċi ta’ xiri (dynamic purchasing) li jwasslu għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar mgħaġġel;

iwassal għal aktar trasparenza u jnaqqas l-imġiba ħażina reali jew perċepita fl-akkwist pubbliku;

huwa mezz kif tkompli tinkiseb soċjetà ta’ informazzjoni.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li ma tistax issir valutazzjoni tal-qafas tal-akkwist pubbliku elettroniku b’mod indipendenti minn reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku. Permezz tal-akkwist elettroniku l-politika dwar l-akkwist pubbliku tista’ titwettaq b’mod aktar effiċjenti, effettiv u ekonomiku. Il-KESE jikkonkludi li huwa importanti li jkun hemm il-koeżjoni u li jiġi adottat approċċ konġunt f’dan ir-rigward.

1.4

Il-KESE jagħraf li l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku madwar l-Istati Membri ma laħqitx l-istennijiet imwaqqfa fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2004. Minkejja dan, il-KESE jagħraf li jeżistu eżempji ta’ prattika tajba. Eżempju wieħed tal-aħjar prattika huwa l-approċċ olistiku għall-implimentazzjoni fir-rigward tal-akkwist elettroniku adottat mill-Portugall, li huwa rakkomandabbli.

1.5

Il-KESE jikkonkludi li l-approċċ multiplu fejn kull Stat Membru adotta l-iskeda għalih innifsu għall-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku ma kisibx ir-riżultati mixtieqa u minflok wassal biex tbiegħedna aktar mill-għan mixtieq li jkun hemm sistema waħda maqbula minn kulħadd. Il-KESE jqis li huwa tal-ogħla importanza li l-KE, permezz tad-Direttorat għas-Suq Intern u s-Servizzi flimkien mad-Direttorat għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, tadotta tmexxija soda u effettiva (simili għal dik adottata għall-Aġenda għal Ewropa elettronika) biex jinkiseb qafas integrat, interoperabbli u standardizzat għan-negozji/it-teknoloġija fl-Istati Membri kollha. Dan għandu jiżgura li filwaqt li ma tiġi affettwata l-ebda attività oħra mill-Istati Membri individwali li tista’ tipperikola l-kisba tal-objettiv mixtieq, l-azzjoni li tiġi implimentata tkun it-tkomplija tal-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ approċċ ta’ koeżjoni approvat fuq perjodu ta’ żmien stabbilit. Madankollu, il-KESE beħsiebu jenfasizza fuq il-bżonn li jiġu stabbliti oqfsa prattiċi tal-akkwist elettroniku mmirati lejn setturi speċifiċi, b’mod partikolari fis-setturi tal-ekonomija soċjali u tas-servizzi soċjali. Is-servizzi soġġetti għall-akkwist pubbliku f’dawn is-setturi ta’ spiss ikunu kumplessi u għandhom karatteristiċi partikolari ta’ valur uniku, li għalihom irid jitħalla lok għall-flessibbiltà, anke fil-proċeduri tal-akkwist elettroniku.

1.6

Il-KESE jirrakkomanda li jiddaħħal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni biex jivvaluta l-progress, l-ostakli, l-azzjoni korrettiva eċċ. fir-rigward tal-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku fl-Istati Membri.

1.7

Il-KESE jżid li waqt li tkun qed tamministra l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku, il-KE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu soluzzjonijiet innovattivi biex jingħelbu l-kwistjonijiet tal-proċeduri għan-negozji u tal-lingwi.

1.8

Minbarra li twettaq rwol ta’ tmexxija, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti l-eżempju billi tadotta l-akkwist elettroniku fl-istituzzjonijiet kollha tagħha.

1.9

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-akkwist elettroniku bħala mezz kif jitħeġġeġ il-kummerċ pan-Ewropew fi ħdan is-suq intern kemm għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SME) kif ukoll għall-mikrointrapriżi. Il-KESE jenfasizza li l-proċessi tan-negozju u tat-teknoloġija għandhom jixprunaw il-kummerċ fis-suq intern iktar milli joħolqu l-ostakli għan-negozju minħabba t-tfassil tagħhom.

1.10

Il-KESE jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma s-sinsla tal-intraprenditorija fl-UE. Huwa kruċjali li l-ħidma li tirriżulta mill-valutazzjoni tal-oqfsa tal-akkwist pubbliku u tal-akkwist elettroniku rispettivament tintuża biex tiġi rilaxxata l-ħila tal-SMEs u l-mikrointrapriżi li jikkompetu f’ambjent ta’ akkwist elettroniku. Il-KESE jirrakkomanda li:

kull sejħa għal offerta għall-akkwist pubbliku fl-Istati Membri - kemm taħt kif ukoll ’il fuq mil-livell limitu - tiġi ppubblikata fil-portal tal-awtorità kontraenti nazzjonali;

l-SMEs jingħataw l-għajnuna jew permezz ta’ inizjattivi diretti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet (capacity building) u t-twaqqif ta’ ċentri ta’ appoġġ nazzjonali u reġjonali għall-iffaċilitar tal-akkwist elettroniku, jew permezz ta’ korpi kostitwenti li jirrappreżentaw lill-SMEs permezz ta’ fondi nazzjonali jew tal-UE - biex jiġi żgurat li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jilqgħu l-akkwist elettroniku u jħeġġu t-tixrid tiegħu.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li l-arkitettura tal-akkwist elettroniku tkun interoperabbli u bbażata fuq standards miftuħa u software tat-tip “open source”.

2.   Daħla

2.1

Fit-18 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet “Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE” (1). Il-Green Paper kienet akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni msejjaħ “Evaluation of the 2004 Action Plan for Electronic Public Procurement” (2) (valutazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2004 għall-akkwist pubbliku elettroniku - mhux disponibbli bil-Malti).

2.2

Il-Green Paper hija l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta’ infrastruttura interkonnessa għall-akkwist elettroniku bħala parti mill-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni. Il-Green Paper tivvaluta s-suċċess u l-kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku fl-Istati Membri. Hija tressaq kwistjonijiet ta’ politika fir-rigward tal-ikkalibrar tal-azzjoni tal-Komunità mmirata lejn l-appoġġ għall-użu tal-akkwist elettroniku mill-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.3

Fl-2005, il-Ministri tal-UE stabbilew il-mira li sal-2010 tal-inqas 50 % tal-akkwist pubbliku isir b’mod elettroniku. Minkejja dan, skont il-Kummissjoni, inqas minn 5 % tal-baġits tal-akkwist pubbliku tal-Istati Membri qed jintefaq bl-akkwist elettroniku.

2.4

Wara l-Green Paper dwar l-akkwist pubbliku elettroniku, fis-27 ta’ Jannar ġiet ippubblikata l-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku: Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti (3). Il-Kumitat bħalissa qed jiffoka fuq din il-kwistjoni partikolari kif ukoll fuq il-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi, u fl-aħħar ser jadotta pakkett ta’ tliet opinjonijiet interrelatati.

3.   It-tweġiba tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-kwistjonijiet ta’ politika li tqajmu fil-Green Paper

Din hi t-tweġiba tal-KESE għall-kwistjonijiet ta’ politika li tqajmu fil-Green Paper.

3.1

Mistoqsija 1. Il-KESE jqis l-isfidi msemmija fil-Green Paper fl-ordni li ġej:

3.1.1

Xi kultant l-akkwist pubbliku jkun kontroversjali - u jirriżulta f’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u imġiba ħażina - u peress li l-akkwist elettroniku huwa proċess ġdid, ċerti entitajiet amministrattivi setgħu żammew lura milli jadottawh b’idejhom miftuħin. In-nuqqas ta’ rieda politika tista’ tkun waħda mill-kawżi, iżda hemm fatturi oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal din l-attitudni, fosthom il-livell ta’ użu tat-teknoloġiji diġitali fl-Istati Membri differenti u l-kumplessità tal-proċeduri għall-akkwist elettroniku f’ċerti setturi.

3.1.2

Il-KESE jikkonkludi li, fejn iddaħħal l-akkwist elettroniku, xi kultant l-awtoritajiet kontraenti poġġew rekwiżiti tekniċi aktar kkumplikati li ma kinux preżenti fil-proċess tradizzjonali.

Pereżempju, xi drabi l-aċċess għall-portali tal-akkwist elettroniku jirrikjedi firma elettronika avvanzata - firma li teħtieġ ċertifikat diġitali - biex wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għall-pubblikazzjonijiet tas-sejħiet għal offerti, iniżżel id-dokumenti għat-tressiq ta’ offerta, eċċ.

3.1.3

L-approċċ adottat jippermetti lill-Istati Membri joħolqu l-pjattaformi tal-ICT uniċi u għalihom stess għall-akkwist elettroniku.

L-interoperabbiltà fil-livell tal-entitajiet, biex ma nsemmux f’dak tal-Istati Membri, tista’ tinkiseb biss jekk jiġu stabbiliti standards u jekk dawn jiġu rispettati. Iżda dan ma seħħx - għax kull Stat Membru adotta l-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni tiegħu stess.

Ix-xena hija kkaratterizzata minn approċċ frammentat mal-Istati Membri kollha. Dan jagħmilha diffiċli li s-soluzzjonijiet elettroniċi nazzjonali jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri għandhom jingħataw gwida permezz ta’ linji gwida u standards li jinħarġu f’dan ir-rigward mill-grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà.

3.1.4

Netwerk mal-UE kollha għall-akkwist elettroniku jitlob approċċ standardizzat fir-rigward tal-livell tal-arkitettura tal-ICT (4) u tal-livell tal-proċeduri tan-negozji  (5).

L-Istati Membri japplikaw proċeduri differenti għan-negozju fil-qafas tradizzjonali tal-akkwist. Hemm bżonn li l-proċeduri għan-negozji jiġu standardizzati.

3.1.5

Bil-benefiċċju tal-esperjenza miksuba, il-KESE jikkonkludi li t-tolleranza tad-Direttorat għas-Suq Intern u s-Servizzi u d-Direttorat għas-Soċjetà tal-Informazzjoni għal transizzjoni b’veloċitajiet differenti għall-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku rriżultat fi pletora ta’ approċċi fil-livelli reġjonali u lokali fi ħdan l-Istati Membri.

Jekk l-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku fil-livell nazzjonali u transkonfinali għandha tkun għan strateġiku, il-KESE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tingħata prijorità ogħla mill-Kummissjoni Ewropea u din għandha tkun appoġġjata b’mekkaniżmi ta’ monitoraġġ aktar b’saħħithom u aktar effettivi bbażati fuq miżuri ta’ prevenzjoni u korrettivi, kif inhu l-każ f’oqsma oħra ta’ politika tal-gvern elettroniku (e-government).

3.2

Mistoqsija 2. Il-KESE jagħraf l-isfidi li ġejjin:

3.2.1

Tmexxija politika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku. Minkejja li ġiet diskussa hawn fuq, il-KESE jidentifikaha bħala kwistjoni speċifika.

Studji li saru mill-UE biex ikejlu kemm hu lest il-gvern elettroniku juru li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw tmexxija soda biex ipoġġu lilhom infushom fuq quddiem nett tas-servizzi tal-gvern elettroniku. Primarjament, l-enfasi titpoġġa fuq is-servizzi G2C kif ukoll il-G2B tradizzjonali.

L-adozzjoni relattiva tal-akkwist elettroniku fl-UE (li huwa servizz G2B) ta’ 5 % turi li l-attività innovattiva tat-tip G2B hija assenti - ħlief f’pajjiżi bħall-Portugall - anke meta l-istudji juru li l-implimentazzjoni ta’ dan il-mezz twassal għal iffrankar ta’ spejjeż, aktar trasparenza, eċċ. Pereżempju, studju Portugiż qabbel l-aħjar offerti għal xogħlijiet pubbliċi minn 50 sptar pubbliku fl-2009 bl-użu ta’ metodi ta’ akkwist tradizzjonali u fl-2010 bl-użu tal-akkwist elettroniku. L-istudju wera li fl-2010, inkiseb tnaqqis fl-ispejjeż ta’ 18 % minħabba ż-żieda fil-kompetittività ġġenerata bl-akkwist elettroniku. Il-Green Paper tippreżenta eżempji ta’ ffrankar li jvarja bejn l-10 % u l-45 % fuq proġetti li jiswew biljuni ta’ euro. Dan hu ffrankar ta’ mijiet ta’ miljuni li jista’ jintuża għall-provvista ta’ servizzi addizzjonali għall-komunità (6).

Il-KESE jżid jgħid li f’inizjattiva strateġika bħal din, il-KE jmissha ppromoviet l-akkwist elettroniku billi, sa tmiem il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Akkwist elettroniku, tintroduċi pjattaforma għall-akkwist elettroniku għad-direttorati u l-aġenziji kollha tal-Kummissjoni.

3.2.2

Naqbdu t-triq li twassal għal ambjent tekniku interoperabbli. Dan ġie indirizzat fil-punt 3.1.

Id-deċiżjoni dwar l-istandardizzazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni għal livell adatt ta’ sigurtà, illum ma jistax jitqies separatament mill-investiment li sar mill-Istati Membri fil-mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni fil-livelli nazzjonali u/jew ta’ servizz.

L-Istati Membri diġà investew b’mod parzjali jew sħiħ (bħall-Portugall pereżempju) fis-sistemi tal-akkwist elettroniku li jistgħu jkunu marbutin mal-mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni tal-entitajiet nazzjonali jew kontraenti.

F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li kull approċċ biex l-Istati Membri kollha jidħlu f’mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni standardizzat għall-UE kollha għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju li l-mekkaniżmu magħżul jitfassal biex jirrifletti l-livell tar-riskji li jridu jiġu indirizzati fil-katina sħiħa tal-valur tal-akkwist elettroniku.

3.3

Mistoqsija 3.

Il-KESE jaqbel li l-amministrazzjoni pubblika nazzjonali u l-awtoritajiet kontraenti għandhom jingħataw inċentivi biex jintroduċu qafas għall-akkwist elettroniku. Il-KESE mill-ġdid jenfasizza li l-istrateġija b’veloċitajiet differenti adottata mill-Kummissjoni m’għandhiex tkompli tiġi użata. Il-KESE huwa tal-fehma li l-esperjenza mill-2005 ’l hawn u r-riżultati fqar fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ effettiv issa għandhom iwasslu biex il-Kummissjoni taqbel mal-Istati Membri dwar il-konformità ma’ strateġiji miftiehma dwar l-akkwist elettroniku. Il-KESE madankollu beħsiebu jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom ifasslu oqfsa bilanċjati adegwati għal setturi partikolari, b’mod speċifiku għas-setturi tal-ekonomija soċjali u tas-servizzi soċjali. Is-servizzi soġġetti għall-akkwist pubbliku f’dawn is-setturi ta’ spiss ikunu kumplessi u għandhom karatteristiċi partikolari ta’ valur uniku, li għalihom irid jitħalla lok għall-flessibbiltà, anke fil-proċeduri tal-akkwist elettroniku.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-inċentivi maħsuba biex jixprunaw lill-intrapriżi jużaw l-akkwist elettroniku, il-KESE jqajjem il-kwistjonijiet li ġejjin:

a)

Il-firxa tal-adozzjoni tas-servizzi elettroniċi tal-gvern, inkluż l-akkwist elettroniku, tiddependi minn kemm ikunu faċli jintużaw. L-użu mhux meħtieġ ta’ teknoloġiji kumplessi bħall-PKI (public key infrastructure) ma jħeġġiġx lill-organizzazzjonijiet jadottaw u jużaw l-akkwisti elettroniċi. It-tfassil tal-qafas għal akkwist elettroniku għall-UE kollha għandu jevita d-disinn teknoloġiku żejjed mhux meħtieġ.

b)

L-SMEs huma s-sinsla intraprenditorjali tan-negozji tal-UE. Il-KE u l-Istati Membri m’għandhomx jassumu li l-SMEs għandhom l-istess kapaċitajiet, riżorsi u aċċess għat-teknoloġiji bħall-intrapriżi l-kbar.

Fir-rigward tal-inċiż b) hawn fuq, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffinanzja inizjattivi fl-Istati Membri kollha bil-għan li:

jiżguraw l-aċċess għat-teknoloġija li tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ ċentri ta’ teknoloġija pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-politika tal-intrapriżi jew il-korpi kostitwiti li jirrappreżentaw lill-SMEs;

jinbdew inizjattivi għall-għarfien u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet maħsuba għall-SMEs bl-appoġġ ta’ servizzi ta’ konsulenza pprovduti mill-korpi kostitwiti responsabbli għall-SMEs permezz ta’ inċentivi nazzjonali u tal-UE;

jinbeda taħriġ għall-ħiliet u dwar l-akkwist elettroniku, inkluż il-provvediment ta’ għodod għat-taħriġ bħat-taħriġ ibbażat fuq il-kompjuter bit-twaqqif ta’ Ċentri li jiffaċilitaw l-appoġġ għall-akkwist elettroniku.

3.4

Mistoqsija 4.

L-awtoritajiet kontraenti huma entitajiet tal-gvern u għaldaqstant huma soġġetti għall-politika tal-gvern. L-Istati Membri għandhom jipprovdu amministrazzjoni adegwata għall-awtoritajiet kontraenti rispettivi tagħhom biex ifasslu u jintroduċu l-akkwist elettroniku. Dan jista’ jitlob li l-Istati Membri jdaħħlu strateġiji ta’ implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku fl-istrateġiji tagħhom dwar l-intrapriżi u l-ICT nazzjonali, billi jistabbilixxu miri progressivi li jridu jintlaħqu f’perjodu ta’ żmien speċifiku (7).

Il-kwistjoni hija din: l-akkwist elettroniku għandu jkun l-uniku mezz għall-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku? Il-KESE huwa tal-fehma li sa fejn ikun possibbli, l-Istati Membri għandhom iqisu l-akkwist elettroniku bħala l-mezz ewlieni għall-akkwist pubbliku - iżda, soġġett għal disinn intelliġenti li jirrifletti l-ħtiġijiet partikolari ta’ ċerti setturi. Dan japplika b’mod partikolari għas-servizzi soċjali, b’kumplessità partikolari fir-rigward tal-akkwist. Fir-rigward tas-servizzi, hemm bżonn li l-akkwist elettroniku jitfassal billi bħala punt tat-tluq tittieħed il-ħtieġa li l-kuntratt irid jindirizza, u jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi partikolari tas-servizz inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-istrateġiji għall-introduzzjoni tal-akkwist elettroniku għandhom jiġu kkomplementati wkoll bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-titjib tal-ħiliet tal-uffiċjali pubbliċi tal-entitajiet pubbliċi kif ukoll ċentri ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-akkwist elettroniku u li jkunu faċilment aċċessibbli.

3.5

Mistoqsija 5.

Jekk jiġi deċiż li se jintuża l-istrument tal-irkanti elettroniċi, id-Direttivi 2004/17 u 2004/18 diġà jipprevedu proċeduri elettroniċi għal ċerti akkwisti pubbliċi.

Il-KESE jappoġġja sitwazzjoni fejn jiġi adottat strument tal-akkwist, bħall-irkanti elettroniċi, li fih innifsu jkun jitlob qafas għall-akkwisti elettroniċi, dejjem bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit qafas ta’ appoġġ għall-SMEs kif diskuss fil-punt 3.3 hawn fuq, kif ukoll għall-qafas li jintuża biss meta u fejn adatt.

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-iżvilupp tal-qafas ta’ appoġġ meħtieġ ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed għax dan ser jiżgura kundizzjonijiet ugwali fil-kummerċ elettroniku bejn, minn naħa l-SMEs u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), u mill-oħra l-intrapriżi l-kbar.

Il-KESE jenfasizza l-periklu ta’ “lakuna diġitali” - li ser toħloq kompetizzjoni “inġusta” għax l-SMEs u l-NGOs jistgħu jkunu żvantaġġjati meta jiġu biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku minħabba ostakli “teknoloġiċi”.

3.6

Mistoqsija 6.

Il-KESE jemmen li l-akkwist pubbliku għandu jsir primarjament permezz tal-akkwist elettroniku, soġġett għall-kundizzjoni li d-disinn tal-akkwist jirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi u l-bżonnijiet kumplessi ta’ ċerti setturi - bħas-servizzi fil-provvediment ta’ akkwisti tat-tip “B”.

Minkejja dan, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali, l-SMEs u l-NGOs irid ikollhom il-kapaċità joperaw f’ambjent ta’ B2G. Dan jista’ jkun li mhuwiex il-każ illum u l-KE u l-Istati Membri għandhom jimmiraw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f’dan il-lat.

3.7

Mistoqsija 7.

Primarjament, l-isfidi li ġejjin joħolqu ostakli mhux meħtieġa u sproporzjonati għall-parteċipazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-akkwist elettroniku:

il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni,

il-proċeduri tan-negozji,

il-lingwa,

ir-rieda li s-swieq lokali jinfetħu għall-kompetizzjoni.

Il-KESE jissuġġerixxi li l-KE tfassal u tadotta pjan ta’ azzjoni miftiehem komplementat minn sistema ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni biex tiżgura li dawn l-ostakli jingħelbu.

3.8

Mistoqsija 8.

Iż-żamma ta’ notifika viżibbli tal-offerti taħt il-limitu mill-qafas tal-akkwist elettroniku tista’ xxekkel il-parteċipazzjoni transkonfinali f’Suq Intern tal-akkwist elettroniku għall-intrapriżi l-kbar.

Ta’ min jenfasizza li l-viżibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ akkwist pubbliku li hu inqas mil-livell limitu fis-Suq Uniku hija importanti għall-SMEs u l-mikrointrapriżi għax ta’ sikwit l-ispeċifikazzjonijiet f’dawn is-sejħiet għal offerti jaqgħu taħt il-kapaċità ta’ organizzazzjoni, finanzjarja u ta’ ħiliet ta’ dawn l-intrapriżi. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-kummerċ transkonfinali permezz tal-akkwist elettroniku pubbliku inqas mil-livell limitu mill-SMEs u l-mikrointrapriżi ser issaħħaħ is-Suq Uniku.

Billi l-qafas tal-akkwist elettroniku jikkonsisti f’diversi passi li jvarjaw min-notifiki elettroniċi sal-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi, il-KESE jirrakkomanda li l-politika tal-akkwist elettroniku tal-UE tistabbilixxi li s-sejħiet kollha għal akkwist - kemm inqas kif ukoll ogħla mil-livell limitu - għandhom jitpoġġew b’mod viżibbli fuq portal ċentrali tas-Suq Uniku u nazzjonali bl-appoġġ ta’ servizz ta’ notifika elettronika.

3.9

Mistoqsija 9.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-qafas leġislattiv għall-akkwist elettroniku huwa komprensiv. Il-problemi huma kkawżati min-nuqqas ta’ rieda għall-implimentazzjoni.

3.10

Mistoqsija 10.

Ta’ spiss is-soluzzjonijiet ikunu motivati mill-arkitettura teknika minflok mill-proċeduri tan-negozji. Il-livell ta’ sigurtà applikat għandu jirrifletti l-livell ta’ riskju reali, u l-investiment fil-qafas ta’ sigurtà adottat għandu jkun bilanċjat ma’ dan ir-riskju.

L-enfasi fuq is-sigurtà adottata fit-tfassil tal-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni tal-akkwist elettroniku hija bbażata fuq il-firem elettroniċi avvanzati. Iżda l-introduzzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati tiswa l-flus - biex tiġi stabbilita s-sistema, l-ispiża għaċ-ċertifikati diġitali, eċċ.

Għalhekk tqum il-mistoqsija dwar jekk l-akkwisti elettroniċi għandhomx ikunu marbutin de facto ma’ mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni ta’ firma elettronika avvanzata.

Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jkun hemm aktar dibattitu dwar ir-riskji għall-akkwist elettroniku fil-Kummissjoni Ewropea u fl-Istati Membri qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li l-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni għall-akkwisti elettroniċi għandu jkun marbut mal-firem elettroniċi avvanzati.

Ta’ min jinnota li l-karti tal-kreditu jew tad-debitu - li jekk jintilfu jpoġġu lil persuna f’riskju finanzjarju - jeħtieġu pin b’erba’ numri. Il-KESE jistaqsi dan li ġej:

L-istadji kollha tal-katina tal-valur tal-akkwist elettroniku għandhom bżonn ta’ awtentikazzjoni tal-firma elettronika avvanzata? Dan il-livell ta’ sigurtà huwa neċessarju biex wieħed jidħol fil-portal, jara l-informazzjoni dwar is-sejħiet għal offerti u jkun jista’ juża xi servizzi onlajn jew fuq it-telefown ċellulari, bħan-notifiki u affarijiet oħra?

Jekk mhuwiex meħtieġ, il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni għandu jkun maqsum fi tnejn? Jiġifieri reġistrazzjoni sempliċi għal dawk il-proċessi tal-katina tal-valur li huma fid-dominju pubbliku skont il-proċedura tradizzjonali ta’ negozju u livell ogħla ta’ awtentikazzjoni għat-tressiq ta’ offerta jew il-parteċipazzjoni f’irkant elettroniku?

Jekk jiġi adottat mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni f’żewġ livelli, ikun ifisser li l-livell ogħla ta’ awtentikazzjoni jkun ibbażat fuq firma elettronika avvanzata jew għandu jiġi adottat mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni sigur iżda inqas kumpless?

Il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni għandu jkun abbażi ta’ password sigura magħmula minn ittri u numri flimkien ma’ numru pin sigur, jew għandu jinkludi dan kollu flimkien ma’ password unika ġġenerata minn “token” simili għall-aċċess għas-servizzi bankarji onlajn?

Il-KESE huwa tal-fehma li filwaqt li jrid jiġi stabbilit mekkaniżmu sigur għall-akkwist elettroniku, is-soluzzjoni għandha tkun proporzjonata għar-riskju jew l-inqas kumplessa biex tiġi implimentata kemm jista’ jkun.

Jekk tittieħed deċiżjoni li l-aħjar mudell ta’ sigurtà għall-akkwist elettroniku huwa ċ-ċertifikati kwalifikati avvanzati, il-KESE jipproponi li l-ħidma f’dan ir-rigward tkun ibbażata fuq il-Virtual Company Dossier (VCD) li qed jitħejja mill-Pan European Public Procurement Online (PEPPOL) (8).

Il-KESE jagħraf li d-Direttiva attwali tipprevedi li l-ekwivalenti għaċ-ċertifikati għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet kontraenti. Il-fatt huwa li fil-prattika, ta’ spiss ikun diffiċli li jinstabu ekwivalenti u xi Stati Membri jitolbu proċeduri tedjanti, bħall-provvediment ta’ traduzzjonijiet awtorizzati, ċertifikati, bl-apostille jew jeħtieġu l-oriġinali biss. Dan huwa xkiel u jiswa l-flus, mhux biss għall-intrapriżi, iżda wkoll għall-awtoritajiet kontraenti.

3.11

Mistoqsija 11.

Fir-rigward tal-lingwi, għad fadal ostakli ġenwini. Ma jistax ikun hemm qafas għall-akkwist elettroniku għall-UE kollha mingħajr ma tkun teżisti l-kapaċità li tiġi “kkomunikata” sejħa għal offerti maħruġa fis-27 Stat Membru. Min-naħa l-oħra, it-traduzzjoni ta’ dokument ta’ sejħa għal offerti minn awtorità kontraenti nazzjonali fil-lingwi uffiċjali tal-UE, biex ma nsemmux il-lingwi kollha tas-27 Stat Membru, biex sejħa għal offerti tkun aċċessibbli għall-intrapriżi fl-Istati Membri kollha mhijiex fattibbli, tiswa ħafna flus u xxekkel l-akkwist pubbliku.

Huwa importanti li l-intrapriżi jew l-individwi li jixtiequ jressqu offerta jkunu jafu liema sejħiet għal offerti huma disponibbli u din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mingħajr ostakli ta’ lingwi. Imbagħad ikun f’idejn l-intrapriża interessata - kbira, ta’ daqs medju, żgħira jew mikro - biex tfittex aktar informazzjoni permezz taċ-ċentri ta’ appoġġ li joffru l-għajnuna kif propost f’din l-opinjoni u biex jiddeċiedu jekk jonfqux aktar flus għal traduzzjonijiet aktar dettaljati lil hinn minn dak li jista’ jinkiseb permezz tal-użu tal-għodod lingwistiċi proposti.

Waħda mis-soluzzjonijiet possibbli tista’ tkun li l-KE tiżviluppa għodda għat-traduzzjoni onlajn tal-akkwisti li jkun maħsub u mfassal speċifikament għal-lingwaġġ tekniku tad-dokumenti tas-sejħiet għal offerti - jiġifieri li tingħata attenzjoni speċjali biex kliem tekniku bħal “jista’”, “mandatorju”, eċċ. jiġi tradott korrettament mingħajr sfumaturi li jistgħu jwasslu għal misinterpretazzjoni.

Madankollu, dan l-istrument għandu jintuża biss għall-akkwisti estremament sempliċi u sakemm ikun hemm garanzija ta’ ċarezza, b’mod li ma jinħoloqx piż amministrattiv ieħor mingħajr interess la għall-awtorità kontraenti u lanqas għall-offerenti.

3.12

Mistoqsija 12.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinfluwenza lill-Istati Membri jibnu oqfsa tal-akkwist elettroniku fuq standards “miftuħa”.

Il-KESE jirrakkomanda li l-KE tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-applikazzjoni “open source” e-PRIOR li l-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni b’xejn fil-forma ta’ komponenti “open source” li jridu jiġu integrati fi kwalunkwe applikazzjoni tal-akkwist elettroniku li tkun qed titfassal.

3.13

Mistoqsija 13.

Il-KESE jirrakkomanda li Kummissjoni tħeġġeġ u żżid il-forniment ta’ soluzzjonijiet “open source” li jistgħu jiġu integrati f’sistemi tal-akkwist elettroniku eżistenti jew li qed jiġu żviluppati.

3.14

Mistoqsija 14.

Il-KESE jaqbel li l-KE għandha tkompli tiżviluppa s-sett ta’ applikazzjonijiet tagħha bħas-soluzzjonijiet e-PRIOR, u tagħmilhom disponibbli għall-użu mill-Istati Membri.

3.15

Mistoqsija 15.

Kif diġa’ semmejna, il-KE u l-Istati Membri għandhom jibdew inizjattivi sostnuti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li ser jappoġġjaw lill-SMEs biex ikunu lesti għall-kummerċ B2G. Il-kwistjoni tal-“lingwa” hija ostaklu aktar diffiċli li jingħeleb mill-SMEs jekk iridu jieħdu sehem fl-akkwist elettroniku fl-UE kollha.

Brussell, 13 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 571 finali

(2)  SEC(2010) 1214 finali

(3)  COM(2011) 15 finali “il-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti” (Ara paġna 113 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Arkitettura tal-ICT hija mudell biex jiġu definiti b’mod sistematiku u kompletament l-ICT (baseline) attwali u / jew il-qafas mixtieq (għan) bil-għan li jinkisbu l-aħjar prestazzjonijiet possibbli fuq il-bażi tal-effiċjenza, l-istandards, l-iskalabbiltà, l-interoperabbiltà, il-koerenza; ambjent miftuħ, eċċ.

(5)  Pereżempju, ċerti awtoritajiet kontraenti jeħtieġu proċeduri tedjanti, bħat-traduzzjonijiet awtorizzati, iċċertifikati, b’apostille.

(6)  Għal iktar eżempji ara paġna 5 tal-Green Paper dwar l-espansjoni tal-użu tal-Akkwist-e fl-UE, SEC(2010) 1214, http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/docs/2010/e-procurement/green-paper_mt.pdf

(7)  Fl-UE jeżistu eżempji tal-aħjar prattika inkluż fl-Italja, il-Portugall, l-Awstrija, ir-Renju Unit.

(8)  http://www.peppol.eu


29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa”

COM(2010) 712 finali

2011/C 318/17

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Nisfruttaw il-vantaġġi tal-iffatturar elettroniku għall-Ewropa

COM(2010) 712 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jesprimi l-appoġġ u l-apprezzament tiegħu għall-Kummissjoni, u jaqbel mal-kontenut tal-Komunikazzjoni li taqa’ fl-ambitu tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Il-modernizzazzjoni tal-istrumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, l-innovazzjoni teknoloġika, barra milli wieħed jista’ jiffranka ħafna permezz tagħha, tgħin biex titkattar l-innovazzjoni u biex jintlaħqu l-objettivi stipulati mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2

Il-kompletar tal-Aġenda Diġitali se jkun l-ispinta ewlenija sabiex jitnieda mill-ġdid is-suq uniku bħala fattur ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lill-benefiċċji li jistgħu jinħolqu mit-tkattir wiesa’ tal-iffatturar elettroniku. Dawn il-benefiċċji jridu jiġu distribwiti b’mod ugwali bejn il-kategoriji kollha tan-negozju, iżda b’mod partikolari lill-SMEs. Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-litteriżmu diġitali, il-limitar tal-ispejjeż ta’ aċċess għal pjattaformi diġitali u softwer ġestjonali.

1.4

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz possibbli biex tħaffef il-proċess tal-leġislazzjoni ġdida dwar il-firem elettroniċi, u jistaqsi jekk ma jkunx adatt li jiġi adottat regolament minflok direttiva sabiex jiġu evitati problemi bi traspożizzjonijiet diverġenti li jistabbilixxu standards differenti fil-qasam.

Ir-riforma tas-sistema tat-tassazzjoni indiretta (VAT) diġà tqis it-trattament ugwali ta’ riċevuti elettroniċi bħal dawk fuq il-karta għall-finijiet tal-kontabilità u l-fatturi. L-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jarmonizzaw il-leġislazzjoni tagħhom ma’ din id-dispożizzjonijiet kemm jista’ jkun malajr.

1.5

B’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, il-KESE jirrakkomanda li l-interessi tagħhom jiġu mħarsa f’termini tal-ħlas tal-VAT, li għandu jintrabat mal-ħlas tal-fattura elettronika minflok ma’ ċertu data ta’ ħruġ. Is-sistema l-ġdida trid tikkunsidra l-problemi li l-SMEs jista’ jkollhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-likwidità.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-adozzjoni wiesgħa u mgħaġġla tal-iffatturar elettroniku, iżda huwa tal-fehma li din għandha tibqa’ l-għażla tal-atturi inkwistjoni, u filwaqt li jifhem l-għanijiet ta’ din il-miżura, ma jaħsibx li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet biex tkun obbligatorja.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li l-miżuri neċessarji sabiex jintlaħaq l-objettiv propost għandhom jittieħdu b’kawtela biex jiġu evitati problemi mhux neċessarji u ta’ piż għan-negozji u l-konsumaturi.

1.8

Il-koeżistenza ta’ żewġ skemi b’valur legali ndaqs, jiġifieri l-iffatturar elettroniku u fuq il-karta, għandha tippermetti li kulħadd jagħżel dik li jaqbillu l-iżjed skont il-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu.

1.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta standards globali għall-iffatturar elettroniku. L-istandardizzazzjoni u l-interoperabilità tas-sistemi huma fatturi essenzjali għat-tkattir u s-suċċess tal-iffatturar elettroniku, għaliex jippermettu l-iżvilupp ta’ suq intern u jagħmlu possibbli li jiżdied l-ammont ta’ operaturi fis-suq.

Is-sitwazzjoni attwali, minflok, qed tara suq ifframmentat li ma jikkomunikax, u dan fil-fatt jimpedixxi l-iżvilupp ta’ dan l-istrument utli fil-livell transkonfinali.

1.10

Il-proġett pilota PEPPOL għandu jiġi implimentat b’mod usa’, u joħloq konnessjonijiet permanenti ma’ dawk iż-żoni fejn l-iffatturar elettroniku diġà huwa realtà. Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-SMEs.

1.11

Il-Komunikazzjoni ma tikkunsidrax l-eżiġenzi u l-interessi tal-konsumaturi fost ir-riċevituri tal-iffatturar elettroniku. Huma biss dawk li għandhom esperjenza fl-użu tal-IT li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġ li jirċievu fatturi elettroniċi.

1.12

Il-prospetti għat-tkattir ta’ dan l-istrument għandhom jagħmlu possibbli li jinħoloq ċirku virtwuż: aċċess għall-katalgu onlajn, l-għażla tal-prodott jew servizz u l-ordni ta’ akkwist, it-trasport tal-merkanzija, il-ħruġ tal-fattura, il-ħlas bi trasferiment simultanju lill-amministrazzjoni finanzjarja tal-ammont dovut bil-kalkolu awtomatiku tar-rata applikabbli tal-VAT skont it-tip ta’ prodott u ta’ operatur.

1.13

Jekk dawn il-proċessi jsiru iżjed mgħaġġlin, wieħed għandu jiffranka ħafna ħin, il-pagamenti jsiru iktar puntwali, u jitnaqqas l-ammont ta’ fatturi foloz.

1.14

Il-proġetti ffinanzjati mill-UE fil-qasam tan-negozju elettroniku għandhom jinkludu magħhom ir-rekwiżit obbligatorju li ċertu perċentwali tal-proġetti pilota kollha trid tinvolvi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. B’dan il-mod l-attenzjoni tista’ tiġi kkonċentrata fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs mill-ewwel stadju ta’ dawn l-inizjattivi, u fuq kollox jiġi influwenzat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi għall-SMEs (pereżempju l-proġett PEPPOL).

1.15

Il-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi ikbar fuq kemm huwa neċessarju li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali jadottaw il-prinċipju ta’ “trattament ugwali” bejn il-fatturi elettroniċi u dawk fuq il-karta, u jneħħu l-ostakli li jxekklu l-kummerċ transkonfinali. B’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti attwali kollha jiġu rrispettati, billi jneħħu l-obbligu li jintużaw soluzzjonijiet teknoloġiċi speċifiċi (fosthom il-firem elettroniċi) li mhumiex neċessarji għall-fatturi fuq il-karta, u jeliminaw l-obbligu li għadu fis-seħħ f’bosta Stati Membri li l-fatturi elettroniċi jridu jiġu stampati għal kontrolli fiskali.

1.16

L-inċentivi għall-SMEs jistgħu jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi lokali permezz ta’ programmi speċifiċi. Il-parteċipazzjoni ta’ DĠ REGIO għandha tiġi kkunsidrata.

1.17

Il-KESE jqis b’mod pożittiv it-twaqqif tal-Forum Ewropew dwar il-firem elettroniċi u jiddikjara ruħu lest jipparteċipa fl-attivitajiet tiegħu.

2.   Daħla

2.1

Il-fattura hija dokument importanti li jgħaddi bejn idejn operaturi kummerċjali, u bejnhom u l-konsumatur aħħari. Barra mill-funzjoni primarja tagħha bħala talba mill-bejjiegħ lix-xerrej għall-ħlas ta’ prodotti forniti jew servizzi mogħtija, fattura hija dokument importanti tal-kontabilità u għandha implikazzjonijiet legali potenzjali għaż-żewġ imsieħba fit-transazzjoni kummerċjali. Fil-fatt, il-fattura hija dokument kuntrattwali fir-relazzjoni bejn l-impriża u l-konsumatur. F’xi pajjiżi l-fattura hija dokument essenzjali għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, għar-rimborżi u għall-ikkompletar ta’ dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni u l-esportazzjoni.

2.2

Il-partijiet involuti huma x-xerrej u l-bejjiegħ. F’ċerti ċirkostanzi l-fornitur u dak li jiġi fornit jistgħu jkunu partijiet terzi, bħal fil-każ ta’ trasportatur jew operatur ta’ servizzi ta’ loġistika.

2.3

L-iffatturar elettroniku huwa l-proċess awtomatizzat kif tinħareġ, tintbagħat u tiġi riċevuta u pproċessata d-data tal-fatturi permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-iffatturar elettroniku huwa parti minn netwerk kumpless ta’ proċessi u proċeduri kummerċjali, normalment magħrufin bħala ċ-ċiklu mill-ordni sal-pagament, mil-lat tal-fornitur, u mil-lat tax-xerrej bħala ċ-ċiklu mix-xiri sal-pagament.

2.4

Fost is-seba’ inizjattivi ewlenin promossi mill-Unjoni Ewropea bil-għan li l-Istrateġija 2020 titwettaq fil-prattika, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tindirizza l-appoġġ, permezz ta’ regolamentazzjoni adatta, tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ddedikati, fost oħrajn, għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet bil-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku. Iktar minn mitt inizjattiva u tletin dispożizzjoni leġislattiva oħra se jiġu adottati sabiex isir sforz biex jintlaħqu t-tlettax-il mira ta’ prestazzjoni ewlenin fl-għaxar snin li ġejjin.

2.5

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li hija r-riżultat ta’ ħames snin ta’ preparazzjoni u konsultazzjonijiet approfonditi, tindirizza parti importanti ħafna tal-aġenda: l-iffatturar elettoniku. Hija twaqqaf l-objettiv li l-iffatturar elettroniku jkun il-metodu ewlieni tal-iffatturar sal-2020. Huwa kkalkolat li bħalissa 5 % biss tal-fatturi għal transazzjonijiet minn negozji jsiru permezz tal-iffatturar elettroniku.

2.6

Il-Kummissjoni tikkalkula li hemm il-potenzjal li jiġu ffrankati EUR 240 biljun tul perjodu ta’ sitt snin (1). L-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Teżoriera Korporattivi waslet għal riżultati simili, u testima li n-negozji jistgħu jiffrankaw sa 80 % tal-ispejjeż operattivi tagħhom billi jibdlu għall-iproċessar awtomatiku tad-data tal-fatturi, biex b’hekk jiġi eliminat il-konsum tal-karta u jitnaqqas b’mod sinifikanti x-xogħol. L-iżvilupp tas-SEPA (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro) jista’ jagħmilha possibbli biex jiġu kkombinati l-iffatturar u l-pagament, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu integrati s-sistemi u tingħata l-possibilità li jitwaqqfu skemi Ewropej ta’ fatturar elettroniku interoperabbli.

2.7

Il-prijoritajiet identifikati huma:

“li tiżgura ċertezza legali u ambjent tekniku ċar għall-iffatturar elettroniku li għandu jiffaċilita l-adozzjoni tagħha bil-massa,

li tinkoraġġixxi u tippromwovi l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli għall-iffatturar elettroniku abbażi ta’ standard komuni, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-SMEs,

li tappoġġa l-użu tal-iffatturar elettroniku bl-istabbiliment ta’ strutturi organizzazzjonali, bħal fora nazzjonali dwar l-Iffatturar elettroniku u Forum Ewropew Multilaterali għal Partijiet Interessati.”

3.   Kummenti u osservazzjonijiet tal-KESE

3.1

Il-KESE impenja ruħu li jappoġġja l-inizjattiva ewlenija Aġenda Diġitali għall-Ewropa u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni. F’diversi opinjonijiet preċedenti (2) l-KESE appoġġja l-adozzjoni ta’ programmi u inizjattivi leġislattivi li kellhom l-għan li jippromovu l-użu tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni).

3.2

Jinħarġu aktar minn 30 biljun fattura u kont fl-Ewropa. Fl-2011 huwa mistenni li jintbagħtu bil-posta elettronika 3 biljun kont u fattura, u proporzjon minnhom biss se jkunu fatturi elettroniċi. Aktar minn 4,5 miljun negozju u ’l fuq minn 75 miljun konsumatur diġà jużaw din is-sistema. L-operaturi ewlenin li jipprovdu servizzi ta’ fatturar elettroniku qed jirduppjaw id-dħul tagħhom kull ftit xhur.

3.3

Studji li saru minn grupp ta’ esperti għall-Kummissjoni jestimaw li min joħroġ il-fattura jista’ jiffranka għadd ta’ euro għal kull fattura. Meta jintbagħtu elettronikament b’mod awtomatiku, jistgħu jiġu ffrankati mas-60-80 % meta mqabbla ma’ proċessi tradizzjonali bbażati fuq il-karta. F’termini ġenerali, dan ifisser li jiġu ffrankati bejn 1 u 2 % ta’ spejjeż amministrattivi. Hemm dħul ekonomiku fuq l-investiment f’sistemi ta’ fatturar elettroniku wara biss sitt xhur, skont il-valutazzjonijiet ta’ esperti ewlenin fil-qasam (3).

3.4

Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tittama li l-iffatturar elettroniku jsir il-metodu predominanti, iżda ma tgħidx għalfejn għandu jdum daqshekk. Min-naħa tiegħu, il-KESE jaħseb li għandu jsir kull sforz possibbli sabiex dan l-objettiv jitħaffef kemm jista’ jkun.

3.5

Il-KESE jenfasizza u jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut sinifikanti li l-iżvilupp tal-iffatturar elettroniku jista’ jagħti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 bis-saħħa tat-tnaqqis fl-enerġija użata għat-trasport u tat-tnaqqis tal-konsum ta’ karti.

3.6

Il-KESE jappoġġja l-prijorità li ngħatat lill-SMEs u l-kummenti li dawn għamlu fl-istħarriġ li sar mill-grupp ta’ esperti maħtur mill-Kummissjoni, u jaħseb li dan huwa importanti ħafna.

3.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-miżuri kollha possibbli jiġu adottati biex jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ operaturi speċjalizzati multipli, u b’hekk jiġi evitat il-ħolqien ta’ monopolji żgħar de facto li inevitibbilment jispiċċaw jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħhom.

3.8

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi inizjattivi bħal dawn billi jistgħu jgħinu biex jiġi implimentat u adottat il-mudell standard propost mill-UN/CEFACT (4), l-organizzazzjoni intergovernattiva stabbilita mill-Kumitat tal-Kummerċ UNECE sabiex jiġi żviluppat programm ta’ ħidma fuq livell globali li jġib miegħu koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tal-istandards elettroniċi u l-iffaċilitar tal-kummerċ bejn in-negozji (business-to-business).

3.9

Il-Kunsill għandu jħeġġeġ adozzjoni usa’ tal-prattika tajba li nbdiet minn xi Stati Membri biex l-iffatturar elettroniku jkun obbligatorju fil-kuntratti pubbliċi, billi dan huwa mod utli kif jitħeġġeġ it-tixrid tagħhom. Il-Proġett PEPPOL (Akkwist Pubbliku Onlajn Pan-Ewropew), bħala proġett pilota kbir tas-CIP (Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni) bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għandu jitwettaq bl-adozzjoni u l-appoġġ tal-istandards żviluppati, biex b’hekk jiġu konnessi dawk il-partijiet tal-Ewropa fejn l-akkwist elettroniku diġà huwa realtà.

3.10

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva, iżda jirrakkomanda li l-iffatturar elettroniku jsir disponibbli għal operaturi oħrajn, u b’hekk jinfetaħ is-suq għal atturi oħrajn. Bħalissa hemm madwar 400 fornitur tas-servizzi ta’ fatturar elettroniku, il-biċċa l-kbira minnhom joperaw fil-livell lokali, u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ prodotti. Sfortunatament, fadal triq twila sakemm naslu sal-punt fejn dawn is-sistemi jkunu interoperabbli. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati standards globali komuni, billi dawn huma aspett ewlieni biex jitħaffef il-kompletar tas-suq uniku Ewropew u jiġu maqsuma l-benefiċċji tiegħu fost għadd kbir ta’ atturi, b’mod partikolari l-SMEs billi tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom.

3.11

Il-benefiċċji ta’ formats ta’ fatturar elettroniku uniformi huma ovvji. Fil-preżent, is-suq huwa fframmentat u ma jikkomunikax. Il-KESE jappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn livelli dejjem iżjed integrati ta’ interoperabilità u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-mudell verżjoni 2 tal-Cross Industry Invoice (CII) tal-UN/CEFACT ġie adottat bħala bażi għall-iżvilupp tal-ISO 20022 “Invoice message standard”.

3.12

Standards globali għandhom dejjem jagħtu dispożizzjoni għall-proċeduri ta’ akkwist rilevanti sabiex jiġi żgurat li n-negozji ma jiġux sfurzati jagħmlu l-proċess tal-iffatturar awtomatiku b’mod iżolat minn dak tal-ipproċessar tal-provvista jew tal-ordni, ngħidu aħna. Dan jista’ jwassal għal ineffiċjenzi. L-iżvilupp ta’ profili CEN/IIB għall-katina sħiħa tal-provvista għandu jiġi promoss u monitorjat b’kawtela, billi dawn jifformaw il-bażi ta’ dokumenti elettroniċi PEPPOL. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-adozzjoni progressiva tal-istandard UBL f’diversi Stati Membri tal-UE u fuq kollox min-naħa tas-settur pubbliku. L-adozzjoni ta’ dawn l-istandards globali għandha titħeġġeġ.

3.13

Fil-ġejjieni, meta s-sistema tal-iffattrurar elettroniku tkun tintuża b’mod usa’, l-amministrazzjonijiet finanzjarji se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iffattrurar elettroniku bil-ħlas tal-VAT fl-istess waqt li titħallas il-fattura. L-integrazzjoni taż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro tista’ tħeġġeġ iktar effiċjenza fis-sistema tal-ġbir tat-taxxi. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għall-SMEs, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-likwidità, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tqis din il-problema.

3.14

Fuq kollox se jiġu ffrankati spejjeż fil-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u fl-ispejjeż fuq pagamenti awtomatiċi. B’mod ġenerali, it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ ġbir, verifikazzjoni u ġestjoni tas-servizzi tat-taxxa huwa għan ta’ modernizzazzjoni u titjib li se jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija kollha kemm hi. It-tnaqqis fl-evażjoni li l-awtomatizzar tal-proċess tal-iffatturar jista’ jġib miegħu fl-aħħar mill-aħħar se jgħin lis-sistema ssib ir-riżorsi biex tinvesti mill-ġdid fl-appoġġ tal-attività ekonomika u produttiva.

<