ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.254.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 254

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
30 ta' Awwissu 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2011/C 254/01

L-Opinjoni Nru 6/2011 (skont l-Artikolu 325, TFUE) dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999

1

MT

 


III Atti preparatorji

Il-Qorti tal-Awdituri

30.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 254/1


L-OPINJONI Nru 6/2011

(skont l-Artikolu 325, TFUE)

dwar il-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999

2011/C 254/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 325 (4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-proposta emendata tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, irċevuta mill-Qorti fit-13 ta’ Mejju 2011,

ADOTTAT L-OPINJONI Li ĠEJJA:

Introduzzjoni

1.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi OLAF twaqqaf fl-1999 (2). L-OLAF huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni imma huwa funzjonalment indipendenti b’rispett għax-xogħol investigattiv tiegħu. Ir-Regolament Nru 1073/1999 (3) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament OLAF”) jassenja lill-OLAF l-objettiv ġenerali li jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u jikkonferixxi fuqu żewġ kompiti prinċipali: it-twettiq ta’ investigazzjonijiet amministrattivi u l-provvista lill-Istati Membri b’għajnuna sabiex iħarsu l-baġit tal-Unjoni minn frodi, inklużi kontribuzzjonijiet għat-tfassil u l-iżvilupp ta’ metodi fil-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fdat lill-OLAF bit-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni bil-għan ta’ prevenzjoni ta’ frodi, u kwalunkwe attività operattiva oħra tal-Kummissjoni b’relazzjoni mal-ġlieda kontra l-frodi, inkluża l-ġestjoni ta’ programmi ta’ finanzjament.

3.

Għall-investigazzjonijiet tiegħu għall-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċċju ma jistax jiddependi fuq ir-Regolament OLAF biss. L-użu ta’ bażi legali addizzjonali huwa dejjem neċessarju biex jawtorizza lill-Uffiċċju biex iwettaq miżuri investigattivi f’każijiet speċifiċi, kemm għal investigazzjonijiet esterni fl-Istati Membri u għal investigazzjonijiet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE (4).

4.

Barra hekk, l-OLAF huwa wkoll awtorizzat mill-Kummissjoni li jinvestiga kwalunkwe att jew attività oħra fi ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-UE, inkluż ksur serju ta’ obbligi marbutin mal-prestazzjoni tal-attivitajiet professjonali tagħhom minn persunal u membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (5). Ir-Regolament OLAF mhuwiex applikabbli għal każijiet li m’għandhomx impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Minflok, l-OLAF irid jiddependi fuq l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, u/jew deċiżjonijiet interni adottati mill-istituzzjonijiet, li jipprevedu investigazzjonijiet bħal dawn.

5.

Ir-reviżjoni tar-Regolament OLAF ilu f’diskussjoni kostanti mill-2003 (6). Din il-proposta emendata hija t-tielet tentattiv għall-modifika tar-Regolament OLAF. Iż-żewġ proposti preċedenti naqqsu milli jiksbu kunsens (7). Għat-tħejjija tat-tielet proposta emendata, dokument ta’ riflessjoni dwar ir-riforma tal-OLAF inħareġ f’Lulju 2010 (8).

6.

Abbozz għad-deċiżjoni emendata tal-Kummissjoni (9) ġiet ippreżentata wkoll bil-għan li jinżamm l-istatus attwali tal-OLAF bħala Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni.

7.

Ma ġewx indirizzati linji gwida politiċi formulati mill-President tal-Kummissjoni (10) għall-effett li l-OLAF għandu jingħata indipendenza sħiħa ’l barra mill-Kummissjoni (11). Għall-kuntrarju, l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssaħħaħ l-irwol tal-Kummissjoni fil-proċess ta’ għażla tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF u jirrestrinġi l-poteri ta’ awtorità ta’ ħatra tad-Direttur Ġenerali rigward il-persunal tal-Uffiċċju. (12)

8.

L-osservazzjonijiet li jsegwu jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’opinjonijiet preċedenti (13) tal-Qorti kif ukoll is-sejbiet tal-verifika tal-Uffiċċju, kif maħruġa fir-Rapport Speċjali Nru 2/2011 (14).

Osservazzjonijiet ġenerali

9.

Il-Qorti taqbel mal-Kummissjoni li hemm ħtieġa li titjieb l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà tal-OLAF, waqt li tħares l-indipendenza investigattiva tal-uffiċċju (15).

Ħtieġa għal simplifikazzjoni u konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-frodi

10.

Il-Qorti jiddispjaċiha li l-Kummissjoni ma segwitx ir-rakkomandazzjoni ripetuta (16) tal-Qorti biex tissimplifika u tikkonsolida l-leġiħlazzjoni ta’ kontra l-frodi attwalment fis-seħħ u tindirizza d-dgħufijiet fil-poteri u l-proċeduri tal-OLAF f’dan il-kuntest (17). Kwalunkwe riformulazzjoni bħal din għandha tinkludi r-Regolament OLAF, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji (18) tal-Komunità Ewropea u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra frodi u irregolaritajiet oħra (19).

11.

Mingħajr riformulazzjoni ta’ dan it-tip, iċ-ċertezza legali hija mdgħajfa minħabba l-koeżistenza ta’ dispożizzjonijiet mrikkba, inkoerenti jew anki inkompatibbli li huma diffiċli biex jinftiehmu u jiġu applikati (ara wkoll il-paragrafi 22 sa 24 u 35).

Ħtieġa li tiġi definita b’mod ċar l-idea ta’ “interessi finanzjarji tal-Unjoni”

12.

Il-Qorti ttenni r-rakkomandazzjoni (20) tagħha li l-idea tal-“interessi finanzjarji tal-Unjoni” li hija ċentrali għal-leġislazzjoni kollha ta’ kontra l-frodi għandha tiġi definita b’mod ċar.

13.

Barra minn hekk, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21) li ma laqgħetx interpretazzjoni ristretta fl-2003 tal-idea “interessi finanzjarji” ibbażata fuq id-definizzjoni “irregolarità” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95. Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma pproponiet biex temenda r-Regolament fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza.

14.

Li jiġi emendat (22) ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 huwa partikolarment importanti b’rabta mal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (23). Frodi ta’ dan it-tip hija theddida serja mhux biss għall-baġits tal-Istati Membri imma wkoll għall-ġbir tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (24).

Ħtieġa għal kontroll indipendenti tal-legalità tal-investigazzjonijiet fil-progress

15.

Il-Qorti tapprezza l-proposta biex jiġu introdotti garanziji proċedurali u tieħu nota tal-proposta għal proċedura ta’ analiżi interna (ara wkoll il-paragrafi 37 sa 40). Madankollu l-Qorti jiddispjaċiha li l-objettiv ta’ kontroll indipendenti tal-legalità ta’ atti investigattivi li attwalment jinsabu f’progress ma jkunx inkiseb taħt il-proposta tal-Kummissjoni. Sabiex kontroll bħal dan ikun effettiv għandu jitwettaq minn korp jew persuna indipendenti tal-OLAF li għandha l-poter li toħroġ opinjonijiet li jorbtu. Dan il-kontroll ta’ atti investigattivi li attwalment jinsabu f’progress huwa partikolarment neċessarju għal każijiet fejn il-persuni kkonċernati mhumiex infurmati li huma soġġetti għal ta’ investigazzjoni sabiex jippreservaw il-kunfidenzjalità tagħha.

Ħtieġa għal ħarsien effettiv u ekwivalenti ta’ interessi finanzjarji

16.

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni li l-Artikolu 280(4) preċedenti tal-KE ġie miktub mill-ġdid biex sar l-Artikolu 325(4) TFUE, li issa espliċitament jeħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-miżuri neċessarji biex ikunu jistgħu jagħtu ħarsien effettiv u ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni. Attwalment l-investigazzjonijiet OLAF huma suġġetti għal kondizzjonijiet li ma jaqblux, imniżżla f’deċiżjonijiet interni individwali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (25). Waqt li l-Qorti tifhem li n-natura inerenti ta’ ċertu istituzzjonijiet, korpi, uffċċji jew aġenziji tal-Unjoni tista’ teħtieġ li tiġi kkunsidrata, temmen ukoll li deċiżjonijiet interni bħal dawn jistgħu ma jkunux neċessarjament ġustifikabbli fil-każijiet kollha u jistgħu jirriżultaw li l-ambitu tal-attivitajiet investigattivi OLAF jiġu limitati u b’hekk jipperikolaw il-ħarsien effettiv u ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Ħtieġa għal regoli ċari biex tiġi investigata kondotta ħażina f’kwistjonijiet mhux finanzjarji

17.

Minħabba li huwa bbażat fuq l-Artikolu 325 TFUE, l-ambitu tar-Regolament OLAF huwa limitat għal investigazzjonijiet ikkonċernati ma’ rregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Hemm ħtieġa għal regoli ċari biex jiġu investigati każijiet interni ta’ kondotta ħażina serja li ma jikkonċernawx l-interessi finanzjarji tal-Unjoni imma jistgħu jkunu suġġetti għal proċedimenti dixxiplinari u/jew kriminali, jew għal proċedimenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Leġiżlazzjoni eżistenti f’dan ir-rigward hija konċiża ħafna u tapplika biss għal persunal ikkonċernat mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (26). Il-Qorti temmen li l-leġiżlatur għandu jikkunsidra jekk l-għażliet humiex disponibbli taħt it-Trattat sabiex jiżguraw li l-każijiet kollha ta’ kondotta ħażina serja huma investigati b’mod xieraq.

Ħtieġa li t-test jinżamm konċiż, ċar u konsistenti

18.

Il-Qorti tikkunsidra li, jekk meħudin bħala ħaġa sħiħa, l-emendi jonqsu li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament OLAF huma konċiżi, ċari u konsistenti daqskemm jista’ jkun possibbli. Eżempju f’dan ir-rigward huwa l-użu tat-termini “l-Uffiċċju” u “d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju” li milli jidher ma jsegwi l-ebda loġika partikolari (27) u huwa aktar kumplikat bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għad-delega tal-poteri tad-Direttur Ġenerali lil persunal ieħor tal-Uffiċċju. Eżempju ieħor huwa l-kliem vag tal-Artikolu 4(6) ġdid propost li jistipula li “l-Uffiċċju għandu juża mezzi alternattivi adatti ta’ informazzjoni” biex jipprovdi notifika lil istituzzjoni ta’ każijiet fejn l-ogħla livell ta’ maniġment jew politika huwa kkonċernat minn investigazzjoni.

Osservazzjonijiet speċifiċi

Prijorità tal-funzjoni investigattiva ewlenija

19.

Il-Qorti tirrikmanda li jinbidel il-mod kif inkiteb l-Artikolu 1 tar-Regolament OLAF biex jisħaq b’mod ċar dwar il-prijorità tal-funzjoni investigattiva ewlenija tal-OLAF fuq kompiti oħrajn. L-effikaċja tal-OLAF tiddependi b’mod kritiku fuq dedikazzjoni ta’ sehem ikbar tar-riżorsi għal attivitajiet ta’ investigazzjoni.

Kjarifika tal-kunċetti ewlenin meħtieġa

20.

Il-Qorti tilqa’ l-intenzjoni għad-definizzjoni ta’ numru ta’ kunċetti ewlenin fit-test ġdid propost tal-Artikolu 2. Madankollu, il-proposta hija inkompluta minħabba li tkopri biss it-termini “investigazzjonijiet amministrattivi”, “persuna kkonċernata” u “Regolamenti tal-Persunal”. Definizzjonijiet, jew referenzi għat-testi legali relevanti fejn definizzjonijiet bħal dawn jeżistu diġà (28), ta’ termini bażiċi oħrajn bħal “frodi”, “korruzzjoni”, “kriminalità serja”, “irregolarità”, “l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru”, “direttament involut”, “xhud”, “informatur”, “intervista” u “dikjarazzjoni” għandhom jiġu inklużi wkoll. Barra minn hekk, ir-Regolament għandu jiddefinixxi x’jinftiehem minn “investigazzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri” u għandu juża terminoloġija distintiva biex ikopri sitwazzjonijiet fejn l-allegazzjonijiet inizjali kontra persuna kkonċernata ma setgħux ikunu sostanzjati (29).

21.

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni amministrattiva” mogħti fl-Artikolu 2 propost hija inkonsistenti mal-mod kif inkiteb l-Artikolu 3(2). L-Artikolu 2 jillimita l-kompitu tal-OLAF li jistabilixxi n-natura irregolari tal-attivitajiet taħt investigazzjoni (30). L-Uffiċċju mhuwiex meħtieġ li jistabbilixxi jekk saritx irregolarità bħala konsegwenza ta’ att jew nuqqas intenzjonali. L-Artikolu 3(2) jipprovdi li l-OLAF għandu jimmira li jistabbilixxi li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali. Bħala konsegwenza, l-OLAF ikun irid jinvestiga responsabbiltajiet individwali ta’ persuni naturali li mhumiex parti mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE għal atti li x’aktarx jirriżultaw f’sanzjonijiet penali.

Huma meħtieġa emendi għar-Regolament Nru 2185/96

22.

L-Artikolu 3 attwali tar-Regolament OLAF jipprovdi li, għar-raġuni tal-investigazzjonijiet esterni tiegħu, l-OLAF jeżerċita l-poter mogħti lilu fuq il-Kummissjoni skont ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 biex iwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi. L-Artikolu 3(2) ġdid propost u l-emenda proposta għall-Artikolu 4(3) jestendu l-użu li jista’ jsir mill-proċeduri mniżżla fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għal numru ta’ sitwazzjonijiet li mhumiex previsti fir-Regolament (31).

23.

Fl-istess ħin, l-Artikolu 3(2) ġdid propost jillimita t-twettiq ta’ kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post għal każijiet relatati ma’ nefqa mhux ġustifikata, waqt li r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 japplika wkoll f’każijiet ta’ irregolaritajiet li jippreġudikaw dħul li jakkumula mir-riżorsi proprji miġbura direttament f’isem l-Unjoni.

24.

Hekk kif li lanqas riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-frodi (ara l-paragrafu 11 hawn fuq) u lanqas kwalunkwe emenda tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 m’hija proposta, mhux se tkun ċara lill-qarrej ta’ dan ir-regolament li dan japplika wkoll għal għanijiet oħrajn u taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk imniżżla. Hekk kif il-Qorti nnotat fl-Opinjoni tagħha Nru 7/2006 (32), dan imur kontra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar linji gwida komuni għall-kwalità tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità li teħtieġ lil dak li jagħmel l-abbozz ta’ atti biex jikkunsidra l-persuni li lilhom huma intenzjonati li japplikaw bil-għan li jippermettuhom jidentifikaw id-drittijiet u l-obbligi tagħhom b’mod mhux ambigwu (33). Jekk ma jistax jintlaħaq ftehim dwar ir-riformulazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-emendi konsegwenzjali għar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 skont il-paragrafu 19 tal-Ftehim.

Żieda fil-koperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

25.

Il-Qorti tisħaq li l-Artikolu 4(3) TUE jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa, sabiex jiżguraw li l-obbligi li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu. Il-Qorti tieħu nota tal-Artikolu 3(3) ġdid propost li jimmira li jiżgura li l-persunal OLAF huwa mogħti aċċess, taħt l-istess termini u kondizzjonijiet bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u f’konformità mal-liġi nazzjonali, għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati mal-kwistjoni taħt investigazzjoni li huma neċessarji għall-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post li jridu jsiru b’mod effikaċji u effiċjenti. Il-Qorti tifhem li dan ir-rekwiżit jirrelata mhux biss għal informazzjoni u dokumenti miżmuma minn operaturi ekonomiċi (34) imma wkoll għal kwalunkwe informazzjoni f’pussess mill-awtoritajiet u korpi involuti fil-ġestjoni konġunta tal-fondi tal-Unjoni.

26.

Artikolu 3(4) ġdid huwa propost, li jobbliga Stati Membri biex jistabbilixxu servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi li se tiżgura koperazzjoni effettivi u skambju ta’ informazzjoni mal-Uffiċċju. Waqt li koordinazzjoni mtejba hi milqugħa, servizz ta’ koordinazzjoni biss mhux se tkun suffiċjenti biex tindirizza d-diffikultajiet li l-OLAF jiffaċċja meta jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fil-qasam ta’ nefqa diretta. Il-problema f’dan il-qasam speċifiku hi li mhux l-Istati Membri kollha waqqfu jew stabbilixxew awtoritajiet bil-poteri neċessarji biex jappoġġjaw il-miżuri investigattivi tal-OLAF b’mod effiċjenti (35). Il-Qorti tissuġġerixxi li l-Artikolu 3(3) ġdid propost għandu jiġi emendat b’tali mod li l-OLAF jista’ jiġi megħjun minn awtorita’ ta’ infurzar xierqa, sabiex ikun jista’ jagħmel il-kontrolli u l-ispezzjonijiet tiegħu (36).

Kjarifika tal-importanza tar-Regolamenti tal-Persunal għal investigazzjonijiet interni

27.

Il-Qorti tirrikmanda li Artikolu 4 emendat dwar investigazzjonijiet interni għandu jkollu referenza ċara għar-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-importanza tagħhom għal investigazzjonijiet interni tal-OLAF. L-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal jeħtieġ l-għoti ta’ kwalunkwe evidenza lill-OLAF li jagħti lok għal preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali possibbli, inkluż frodi jew korruzzjoni, u l-Anness IX tar-Regolament tal-Persunal jipprovdi regoli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan għal proċedimenti dixxiplinari.

Tiġi evitata konfużjoni b’rigward għall-ftuħ ta’ investigazzjonijiet

28.

L-Artikolu 5 propost dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet għandu dispożizzjoni li huma mitkubin b’mod vag. L-Artikolu 5(1) jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Uffiċċju għandu l-libertà li ma jinvestigax frodi jew korruzzjoni suspettati jew atti illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, anke meta jeżistu suspetti suffiċjenti.

29.

Barra minn hekk, ġew imdaħħla emendi fl-Artikolu 5(4) u (5) li jikkomplementaw il-proċeduri mniżżla fl-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal għal każijiet fejn membru tal-persunal jipprovdi informazzjoni lill-Uffiċċju relatata ma’ frodi jew irregolarità suspettata. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ikun iktar xieraq li jiġu proposti emendi bħal dawn lir-Regolamenti tal-Persunal minflok, billi jiġi kunsidrat ukoll li l-ambitu tagħhom huwa aktar wiesa’ minn dak tar-Regolament OLAF (ara l-paragrafu 4).

Tħaffif tal-valutazzjoni inizjali u investigazzjoni sussegwenti ta’ każijiet

30.

Il-Qorti tilqa’ l-mod ġdid propost ta’ kif għandu jinkiteb l-Artikolu 5(4) li jeħtieġ li d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju jieħu deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinfetaħ investigazzjoni fi żmien xahrejn tal-wasla mill-Uffiċċju ta’ talba minn waħda mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jew minn Stat Membru kkonċernat. Il-Qorti tirrikmanda li għandu jiġi stabbilit ukoll tul ta’ żmien massimu għal valutazzjonijiet għal każijiet fejn l-Uffiċċju jiġi pprovdut b’informazzjoni inizjali minn sorsi oħrajn.

31.

Il-mod ġdid ta’ kif għandu jinkiteb l-Artikolu 6(6) jistipula li, fejn jinstab li investigazzjoni ma tistax tingħalaq fi żmien 12-il xahar wara li tkun infetħet, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-Kumitat ta’ Sorveljanza bir-raġunijiet f’intervalli ta’ sitt xhur; attwalment informazzjoni bħal din trid tingħata biss darba wara disa’ xhur. Il-mod kif tinkiteb din id-dispożizzjoni ġdida mhuwiex ċar u jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jrid jiġi infurmat għall-ewwel darba wara 18-il xahar.

32.

Biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tul twil ta’ żmien ta’ investigazzjonijiet OLAF b’mod aktar effikaċi (37), ikun xieraq li jiddaħħal tul ta’ żmien standard ta’ 12-il xahar, li jista’ jiġi estiż sa sitt xhur kull darba biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda mid-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju wara li jinforma l-Kumitat ta’ Sorveljanza (38).

Rinfurzar ta’ garanziji proċedurali

33.

L-Artikolu 7a(2) ġdid propost fuq garanziji proċedurali jwaqqaf regoli għall-intervista ta’ xhieda u persuni kkonċernati. Għandu jiġi kjarifikat li l-persuna li ssirilha l-intervista għandha d-dritt tirrifjuta l-approvazzjoni għar-rekordjar tal-intervista mħejji mill-Uffiċċju. Barra hekk, għandha tkun espliċita jekk hemmx obbligu għal persuni li mhumiex parti mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE biex jaċċettaw l-invit tal-OLAF għal intervista jew għall-iffirmar biex intervista bħal din tiġi rekordjata. Finalment, qabel ma jittieħdu d-dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ kontrolli fuq il-post, il-persuni li se jkunu intervistati għandhom ikunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom; u għandhom jingħataw aċċess għar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom kif imfassla mill-Uffiċċju.

34.

Fil-fehma tal-Qorti, l-Artikolu 7a(4) propost m’għandux jagħti lok għal eċċezzjonijiet għar-regola li l-persuna kkonċernata hija intitolata li tuża l-lingwa uffiċjali tal-Unjoni tal-għażla tiegħu/tagħha f’intervista mal-investigaturi tal-Uffiċċju.

35.

Il-Qorti tinnota li l-mod ta’ kitba propost għall-Artikolu 7a(4) jippermetti użu aktar estensiv tal-għażla għad-differiment tat-twettiq tal-obbligu biex issaqsi l-persuna konċernata biex tesprimi l-opinjonijiet tagħha. It-test propost jistipula li d-Direttur Ġenerali jista’ jieħu deċiżjoni bħal din meta jintlaħqu żewġ kondizzjonijiet: li każ jinvolvi l-użu ta’ proċedimenti investigattivi li jaqgħu taħt il-mandat ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali u li huwa “neċessarji li tkun ippreservata l-konfidenzjalità tal-investigazzjoni”. Dan il-mod ta’ kitba mhuwiex konformi mal-Artikolu 1(2) tal-Anness IX tar-Regolament tal-Persunal li huwa iktar ristrettiv f’dan ir-rigward minħabba li jillimita l-użu ta’ din l-għażla għal każijiet li jitolbu segretezza assoluta.

36.

Ladarba l-OLAF għażel li jiddifferixxi seduta ta’ smigħ, l-investigaturi huma ta’ spiss ipprekludati milli jsaqsu l-persuni kkonċernati biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom sakemm ikomplu l-proċedimenti ta’ awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Bħala konsegwenza, l-OLAF ma jistax jagħlaq il-każ, anke f’sitwazzjonijiet fejn ma jistgħux isiru aktar attivitajiet investigattivi mill-Uffiċċju. Minħabba li proprjament sitwazzjonijiet bħal dawn mhumiex konformi mar-rekwiżit imniżżel fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament OLAF li investigazzjonijiet iridu jsiru b’mod kontinwu, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiddaħħlu biex jiġu trattati.

Proċedura ta’ analiżi interna

37.

L-Artikolu 7b l-ġdid jipprovdi għal proċedura ta’ analiżi interna fuq talba ta’ kwalunkwe persuna naturali kkonċernata b’investigazzjoni OLAF rigward ir-rispett ta’ garanziji proċedurali mill-investigaturi tal-Uffiċċju. Huwa maħsub li membru(i) tal-persunal OLAF fdat(i) bil-proċedura tal-analiżi mhux se jieħdu istruzzjonijiet minn ħadd u jistgħu jinfurmaw lill-Kumitat ta’ Sorveljanza jekk jikkunsidraw li miżura meħuda mid-Direttur Ġenerali titfa’ dubju fuq l-indipendenza tagħhom.

38.

Madankollu, il-Qorti tikkunsidra li l-indipendenza sħiħa meħtieġa fil-post mhijiex garantita minħabba li dawk fdati bil-proċedura tal-analiżi jibqħu taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali. Barra hekk, mhuwiex ċar jekk, u meta, il-Kumitat ta’ Sorveljanza se jirċievi kopji tal-opinjoni li l-persuna responsabbli għall-analiżi ta’ każ tefa’ lid-Direttur Ġenerali u tat-tweġiba rraġunata li ntbagħtet lill-persuna kkonċernata.

39.

Il-proċedura tal-analiżi proposta kieku se tiġi varata biss fuq it-talba tal-persuna kkonċernata. Mhux se tkopri każijiet fejn il-persuni kkonċernati ma jafux li huma suġġetti għal investigazzjoni OLAF minħabba li l-informazzjoni tagħhom ġiet diferita sabiex tippreżenta il-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni.

40.

Minflok, il-Qorti tissuġġerixxi l-ħolqien tal-funzjoni ta’ uffiċjal tal-analiżi. M’ghandux ikun la maħtur mid-Direttur Ġenerali u lanqas ikun suġġett għall-awtorità tiegħu. L-uffiċjal tal-analiżi m’għandux ikun mitlub biss li joħroġ opinjonijiet li jorbtu, fuq it-talba tal-persuni kkonċernati, imma għandu jingħata l-poter li joħroġ opinjonijiet bħal dawn fil-każijiet kollha fejn it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali hija prevista mid-Direttur Ġenerali jew fejn l-investigazzjonijiet idumu għal iktar minn sentejn. Għal dan il-għan, l-uffiċjal tal-analiżi għandu jkollu aċċess sħiħ għall-fajls tal-każijiet rilevanti tal-OLAF. Għandu jindirizza l-opinjonijiet tiegħu kemm lid-Direttur Ġenerali u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza.

Koperazzjoni mal-Eurojust, il-Europol u organizzazzjonijiet internazzjonali

41.

L-Artikolu 10a propost idaħħal dispożizzjonijiet għall-Uffiċċju biex jikkopera mal-Eurojust, il-Europol u organizzazzjonijiet internazzjonali. L-obbligi tal-OLAF biex jinformaw lill-Eurojust dwar reat serju suspettat fil-forma ta’ frodi, korruzzjoni jew attivitajiet illegali oħrajn huma deskritti b’mod vag. Il-Qorti tirrikkmanda li l-kriterji tal-objettiv għandhom jiddaħħlu biex jidentifikaw każijiet xierqa għal kollaborazzjoni, simili għal dawk li hemm fil-“Ftehim prattiku dwar arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn Eurojust u OLAF’ (39).

Il-kjarifika tal-irwol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza

42.

B’rigward għall-emendi proposti lill-Artikolu 11 dwar il-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Qorti tilqa’ l-proposta li l-Kumitat se, fil-ġejjieni, jissorvelja l-funzjonament tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji. Il-Qorti tirrikkmanda li l-monitoraġġ tal-Kumitat għandu jestendi wkoll għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-Eurojust.

43.

Skont l-Artikolu 11(1) ġdid propost, il-firxa ta’ aċċess tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għal informazzjoni dwar investigazzjonijiet u għal fajls tal-każijiet OLAF għandha titħalla interament għad-diskrezzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju. Il-Qorti tirrikkmanda kjarifika li l-Kumitat jeħtieġ aċċess għal fajls tal-każijiet OLAF sabiex ikun jista’ jiskopri każijiet ta’ interferenza mal-indipendenza tal-Uffiċċju.

44.

Sabiex issaħħaħ l-irwol indipendenti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Qorti tirrikkmanda li l-Artikolu 11(6) propost għandu jipprovdi li s-segretarjat tal-Kumitat irid jaġixxi biss skont l-istruzzjonijiet tal-Kumitat u b’mod indipendenti mill-OLAF, u ma jistax jinħatar minn jew ikun suġġett tal-awtorità tad-Direttur Ġenerali (40).

45.

Il-Qorti tirrikkmanda li titqies is-sentenza tal-Qorti tal Prim’Istanza ta’ Lulju 2008 (41), li sostniet li funzjoni importanti tal-Kumitat ta’ Sorveljanza kienet li jħares id-drittijiet tal-persuni li huma s-suġġett tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Il-Qorti tinnota li l-irwol tal-Kumitat f’dan ir-rigward x’aktarx se jitnaqqas hekk kif taħt l-Artikolu 11(7) ġdid propost, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF mhux se jkun iktar (42) obbligat li jinforma l-Kumitat dwar każijiet li jeħtieġu li informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru qabel ma’ jiġu komunikati. Fl-opinjoni tal-Qorti, dan jista’ jiġi kumpensat bl-introduzzjoni tal-funzjoni ta’ uffiċjal tal-analiżi li jirrapporta lill-Kumitat (ara l-paragrafu 40).

Il-“proċedura ta’ skambju ta’ fehmiet” jista’ jdgħajjef l-indipendenza investigattiva

46.

L-Artikolu 11a ġdid propost jintroduċi skambju regolari ta’ fehmiet f’livell politiku biex tiġi diskussal-politika ta’ investigazzjonijiet tal-Uffiċċju li tobbliga lill-Uffiċċju fl-Artikolu 11a(4) “jieħu azzjoni xierqa fil-kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet espressi fl-iskambju ta’ fehmiet”. Proċedura bħal din tista’ tiġi interpretata li ddgħajjef l-indipendenza tad-Direttur Ġenerali biex jidentifika u jiddefinixxi l-prijoritajiet ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju (43). Barra minn hekk, proċedura bħal din tista’ tevolvi f’tip ta’ bord ta’ tmexxija de facto tal-Uffiċċju mingħajr definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet ta’ dawk li qed jieħdu sehem fiha u mingħajr l-ebda indikazzjoni ta’ qafas proċedurali għal eżerċizzju ta’ dan it-tip.

47.

Jekk l-Artikolu 11a ġdid propost għandu l-intenzjoni li jikseb involviment ikbar mill-Istituzzjonijiet kollha fit-tħaddim tal-Uffiċċju, il-bidla tal-OLAF f’uffiċċju interistituzzjonali (44) tkun għażla aħjar. Soluzzjoni bħal din kieku tirrifletti wkoll il-bidliet miġjuba mill-Artikolu 325 TFUE rigward ħarsien effettiv u ekwivalenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni.

Il-kjarifika tal-irwol tad-Direttur Ġenerali

48.

Il-Qorti ma tara l-ebda raġunijiet validi għall-proposta tal-Kummissjoni biex tneħħi mill-Artikolu 12(3) attwali l-obbligu li l-kisbiet tal-investigazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju għandhom jiġu rappurtati lill-Qorti tal-Awdituri.

49.

Il-Qorti tinnota l-Artikolu 12(5) ġdid propost li jagħti poter lid-Direttur Ġenerali biex jiddelega l-eżerċizzju ta’ ċerti funzjonijiet tiegħu lil membri oħrajn tal-persunal tal-Uffiċċju, partikolarment f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw investigazzjonijiet miftuħa jew poteri biex tiġi ġestita t-twettiq ta’ investigazzjonijiet. Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għar-riskju li l-proposta tista’ tirriżulta fit-tnaqqis ta’ responsabbiltajiet ewlenin tad-Direttur Ġenerali.

50.

L-Artikolu 12(6) ġdid propost jistipula li d-Direttur Ġenerali se jkun megħjun minn “korp intern” li hu għandu jikkonsulta dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni, qabel l-għeluq ta’ investigazzjoni u kull meta jħoss li huwa xieraq. Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għar-riskju li proċedura ta’ konsultazzjoni bħal din tista’ twaqqaf lid-Direttur Ġenerali milli jaġixxi b’mod rapidu f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il-President


(1)  COM(2011) 135 finali tas-17 ta’ Marzu 2011 — Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (Euratom) Nru 1074/1999.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 1). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1074/1999 huma identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 1073/1999 imma ġew adottati fuq bażi legali differenti (L-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika).

(4)  Għall-istrumenti legali l-aktar importanti ara l-Anness għal din l-opinjoni.

(5)  Ara l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom.

(6)  Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-attivitajiet OLAF, KUMM(2003) 154 finali tat-2 ta’ April 2003.

(7)  L-ewwel proposta nħarġet fi Frar 2004 (ara KUMM(2004)103 finali tal-10 ta’ Frar 2004) u ġiet irtirata f’Marzu 2007. It-tieni proposta ħarġet f’Mejju 2006 (ara COM(2006) 244 finali tal-24 ta’ Mejju 2006) u issa hija sostitwita mill-proposta emendata taħt eżaminazzjoni f’din l-opinjoni.

(8)  SEC(2010) 859 tas-6 ta’ Lulju 2010.

(9)  L-Abbozz Preliminari ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni li jemenda d-Deċiżjoni tagħha (1999/352/KE, KEFA, Euratom) tat-28 ta’ April 1999 li jwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Kontra l-Frodi, SEC(2011) 343 finali tas-17 ta’ Marzu 2011.

(10)  ‘(…) Nixtieq nara aktar passi, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja: issa li huwa stabbilit tajjeb, l-OLAF għandu jingħata indipendenza sħiħa l barra mill-Kummissjoni.” Ara p. 37 tal-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni li jmiss mill-President Barroso, 28 ta’ Ottubru 2009, http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/pdf/press_20090903_en.pdf.

(11)  Fl-ittra ta’ missjoni tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2009, il-President ta d-dover lill-Kummissarju responsabbli għat-Tassazzjoni, l-Unjoni Doganali, il-Verifika u Ġlieda Kontra l-Frodi biex iħejji għat-twaqqif tal-OLAF bħala servizz indipendenti sħiħ ‘il barra mill-Kummissjoni.

(12)  Sal-“punt neċessarju biex jippreserva l-indipendenza tal-Uffiċċju” (L-artikolu ġdid propost 6(1) tad-Deċiżjoni).

(13)  L-Opinjoni Nru 8/2005 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar assistenza amministrattiva reċiproka għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra (ĠU C 313, 9.12.2005, p. 1) u l-Opinjoni Nru 7/2006 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 rigward investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU C 8, 12.1.2007, p. 1).

(14)  Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, http://eca.europa.eu/portal/page/portal/publications/auditreportsandopinions.

(15)  Ara b’mod partikolari l-premessi 2, 5, 7, 9, 11 u 19 tal-proposta emendata u n-nota tal-Kummissjoni IP/11/321 tas-17 ta’ Marzu 2011 li tipprovdi sommarju tal-proposta emendata.

(16)  Ara l-paragrafu 36 tal-Opinjoni Nru 8/2005, il-paragrafu 5 tal-Opinjoni Nru 7/2006, il-paragrafu 112 tar-Rapport Speċjali Nru 8/2007 (ĠU C 20, 25.1.2008, p. 1) u l-paragrafu 71 (ir-rakkomandazzjoni 3 ta’ segwitu) tar-Rapport Speċjali Nru 2/2011, http://eca.europa.eu/portal/page/portal/publications/auditreportsandopinions.

(17)  Il-Parlament Ewropew adottat ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti minn kmieni daqs l-2006 (ara l-paragrafi 28 sa 32 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi – ir-rapport annwali tal-2004 tal-15 ta’ Ġunju 2006 (P6_TA(2006)0277) (ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 508)). Il-Kunsill sostniet ukoll li l-istrumenti legali għall-ġlieda kontra l-frodi għandhom ikunu konsolidati f’qafas regolatorju wieħed (ara l-paragrafu 6 tal-konklużjonijiet tal-kunsill dwar ir-riforma tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, kif adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Diċembru 2010, http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/genaff/118236.pdf).

(18)  ĠU L 312, 13.2.1995, p. 1.

(19)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(20)  Ara l-paragrafu 38 tal-Opinjoni Nru 8/2005.

(21)  Il-paragrafi 82 sa 95 tas-Sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-11/00 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 213, 6.9.2003, p. 1).

(22)  Sakemm il-kwistjoni hija indirizzata minn riformulazzjoni tal-leġislazzjoni ta’ kontra l-frodi.

(23)  Dħul ibbażat fuq VAT huwa parti mir-riżorsi proprji tal-UE. Madankollu, id-definizzjoni tal-kunċett “irregolarità” mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 ma tkoprix frodi tal-VAT minħabba li tapplika biss għall-ksur li jaffettwa r-riżorsi proprji miġbura direttament f’isem il-Komunitajiet.

(24)  Ara r-Rapport Speċjali Nru 8/2007 (ĠU C 20, 25.1.2008, p. 1).

(25)  Ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament 1073/1999.

(26)  Ara l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(27)  Ir-Regolament attwali, li jibda mis-supożizzjoni li d-Direttur Ġenerali għandu l-poteri kollha ta’ teħid ta’ deċiżjoni mogħtija lill-Uffiċċju, ifittex li jiddistingwi bejn sitwazzjonijiet fejn id-Direttur Ġenerali jista’ jiddelega l-poteri tiegħu lil persunal ieħor tal-Uffiċċju u sitwazzjonijiet fejn id-Direttur Ġenerali ma jistax jiddelega l-poteri tiegħu. B’rabta ma’ din ara wkoll l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni mill-Ombudsman Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2010 fl-inkjesta tiegħu fl-ilment 856/2008/BEH kontra l-OLAF, il-paragrafi 92 sa 104.

(28)  Sakemm il-leġiżlazzjoni ta’ kontra l-frodi hija mfassla mill-ġdid.

(29)  Ara l-paragrafu 35 tar-Rapport Speċjali Nru 2/2011.

(30)  L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 jipprovdi li “Irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget [baġit] ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi [immexxi] minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.

(31)  Pereżempju, biex tikseb evidenza relevanti għall-għan ta’ investigazzjonijiet interni.

(32)  Ara l-paragrafu 5.

(33)  Ara l-paragrafu 3 tal-Ftehim. Il-paragrafu 16 ikompli jistipula li referenzi għal atti oħra f’test legali għandhom ikunu minimi (ĠU C 73, 17.3.1999, p. 1).

(34)  Għal operaturi ekonomiċi, diġà teżisti dispożizzjoni simili fl-Artikolu 7 tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96.

(35)  Ara l-paragrafi 40 sa 42 tar-Rapport Speċjali Nru 2/2011.

(36)  Dispożizzjoni simili teżisti fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(37)  l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

(38)  Il-Kummissjoni pproponiet ukoll proċedura bħal din ir-risposta tagħha għall-paragrafu 80 tar-Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU C 202, 18.8.2005, p. 1). Ara wkoll il-paragrafu 27 tar-Rapport Speċjali Nru 2/2011.

(39)  Il-Punt 5 tal-Ftehim jistipula li, bil-għan li jiġu identifikati każijiet xierqa għal kollaborazzjoni, l-OLAF se jinforma lill-Eurojust mill-aktar fis possibbli dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe każ fejn jidher li jinvolvi direttament koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar, jew fejn il-każ jikkonċerna Stat Membru u l-Komunità (ĠU C 314, 9.12.2008, p. 3).

(40)  Jeżistu bosta għażliet, ara pereżempju l-provvedimenti mniżżla fid-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jwaqqaf il-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17). L-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni jistipula li dan il-bord għandu jkun mgħejjun minn Segretarjat li għandu jiġi fornut mill-Kummissjoni iżda għandu jkun indipendenti minnha. Is-Segretarju tal-Bord għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Bord. Is-Segretarju għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Bord.

(41)  Il-Kawża T-48/05 Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2008 (ĠU C 209, 15.8.2008, p. 44).

(42)  Attwalment l-Artikolu 11(7) tar-Regolament OLAF jipprovdi li d-Direttur tal-Uffiċċju se jinforma l-Kumitat ta’ Sorveljanza dwar “każijiet li jkunu jeħtieġu li xi informazzjoni li tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta Stat Membru’. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stipulat fil-paragrafu 168 tas-sentenza tagħha fil-Kawża T-48/05 li ”ma jistax jiġi kkontestat li l-bżonn li jiġi kkonsultat dan il-kumitat qabel it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandu bħala għan li jagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati.“

(43)  Ara l-prinċipju ta’ gwida Nru 3 stabbilit fir-Riżoluzzjoni (97)/24 dwar l-għoxrin prinċipju ta’ gwida għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-6 ta’ Novembru 1997, https://wcd.coe.int/wcd/ViewDoc.jsp?id = 593789&.

(44)  Ara bħala eżempju għal uffiċċju interistituzzjonali bħal dan id-deċiżjoni li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (Id-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 197, 26.7.2002, p. 53)).


ANNESS

LEĠIŻLAZZJONI EWLENIJA LI TIKKONĊERNA L-ATTIVITAJIET INVESTIGATTIVI TAL-OLAF

Id-Deċiżjoni li twaqqaf l-OLAF

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta’ April 1999, li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

Leġislazzjoni ġenerali dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji  (1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (magħruf ukoll bħala r-Regolament “PIF”) (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

Regoli ġenerali għal attivitajiet investigattivi  (1)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 1).

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8).

Kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post tal-bini ta’ operaturi ekonomiċi  (1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritjiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

Regoli dwar il-ħarsien ta’ data

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

Kooperazzjoni ma’ Eurojust

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta’ Frar 2009 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1), l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14).

Investigazzjonijiet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji imwaqqfa minn, jew fuq il-bażi, tat-Trattati

Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jniżżel ir-Regolamenti tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej li jikkostitwixxu miżuri speċjali temporanjament applikabbli lil uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), kif emendat l-aktar riċentament mir-Regolament (EU, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, 26.11.2010, p. 1) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”).

Madwar 50 deċiżjoni interna differenti adottati mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/99.

Fejn dawn id-deċiżjonijiet interni jsegwu l-“Mudell ta’ Deċiżjoni” anness mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea li jikkonċernaw investigazzjonijiet interni mill-Ufficcju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15), imorru lil hinn mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jipprovdu t-termini u l-kundizzjonijiet għal investigazzjonijiet interni b’relazzjoni mal-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali detrimentali għall-interessi tal-Unjoni.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-websajt tal-OLAF (2).


(1)  Applikabbli biss fil-każ ta’ investigazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħarsien tal-interessi finanzjarji.

(2)  http://ec.europa.eu/dgs/olaf/legal/index_en.html