ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.199.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 199

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
7 ta' Lulju 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2011/C 199/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 – Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 199/02

Rata tal-kambju tal-euro

6

 

INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

Awtorità ta' Sorveljanza EFTA

2011/C 199/03

Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni biex ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni

7

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Qorti tal-EFTA

2011/C 199/04

Azzjoni mressqa fil-11 ta' April 2011 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda (Każ E-8/11)

8

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 199/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6166 – NYSE Euronext/Deutsche Börse) ( 1 )

9

2011/C 199/06

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6257 – Blackstone/Valad Property) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

10

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 199/07

Avviż għall-attenzjoni ta' Othman Ahmed Othman Al-Ghamdi li hi persuna miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi ta' restrizzjoni diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk tal-Al-Qaida u t-Talibani, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 621/2011

11

 

Rettifika

2011/C 199/08

Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet minnhom, li joriġinaw fl-Indja (ĠU C 142, 13.5.2011)

13

2011/C 199/09

Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet minnhom, li joriġinaw fl-Indja (ĠU C 142, 13.5.2011)

13

2011/C 199/10

Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni rigward l-avviż dwar l-iskadenza ta' ċerti miżuri tal-anti-dumping (ĠU C 146, 17.5.2011)

14

2011/C 199/11

Rettifika għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti prodotti kkonċentrati mill-proteina tas-sojja, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 121, 19.4.2011)

14

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ Ġunju 2011

Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ

2011/C 199/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata Ewropa 2020 – Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, il-Kummissjoni stabbilixxiet bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha l-iżvilupp ta' ekonomija bbażata fuq l-għerf u l-innovazzjoni (“tkabbir intelliġenti”), u tenfasizza inizjattiva ewlenija (Żgħażagħ f'Moviment) sabiex issaħħaħ il-prestazzjoni u l-attraenza internazzjonali tal-istituzzjonijiet Ewropej ta' edukazzjoni għolja u biex tgħolli l-kwalità ġenerali tal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni, bil-kombinazzjoni kemm tal-eċċellenza u kemm tal-ekwità, bil-promozzjoni tal-mobbiltà taż-żgħażagħ u t-titjib tas-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-impjegabbiltà. Din ir-Rakkomandazzjoni tifforma parti mill-inizjattiva Żgħażagħ f'Moviment, u hija konsistenti mal-Linji Gwida Integrati tal-Ewropa 2020.

(2)

Il-mobbiltà fit-tagħlim, jiġifieri l-mobbilità transnazzjonali għall-iskop tal-kisba ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi ġodda, hija waħda mill-modi fundamentali li bih iż-żgħażagħ jistgħu jsaħħu l-impjegabbiltà futura tagħhom, kif ukoll il-kuxjenza interkulturali, l-iżvilupp personali, il-kreattività u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom. L-Ewropej li jkunu mobbli bħala studenti żgħażagħ huwa aktar probabbli li jkunu mobbli bħala ħaddiema aktar tard f'ħajjithom. Il-mobbiltà fit-tagħlim tista' tagħmel is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ aktar miftuħa, aktar Ewropej u internazzjonali, aktar aċċessibbli u aktar effiċjenti. Tista' ttejjeb ukoll il-kompetittività tal-Ewropa billi tgħin fil-bini ta' soċjetà ffukata fuq l-għerf.

(3)

Il-benefiċċji tal-mobbiltà ġew issottolinjati mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fl-14 ta' Diċembru 2000 dwar pjan ta' azzjoni għall-mobbiltà (1), u mir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għal studenti, persuni li qed jitħarrġu, voluntiera, għalliema u min iħarreġ (2). Dik ir-Rakkomandazzjoni tal-2001 stiednet lill-Istati Membri jieħdu passi adatti biex ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà ta' dawn il-gruppi.

(4)

Kien hemm ħafna kisbiet fil-qasam tal-mobbiltà taż-żgħażagħ wara r-Rakkomandazzjoni tal-2001. Madankollu, mhux l-istrumenti u l-għodod kollha jiġu sfruttati kemm jista’ jkun possibbli u għad hemm ħafna ostakoli. Barra min hekk, il-kuntest kollu tal-mobbiltà fit-tagħlim inbidel konsiderevolment fl-aħħar deċennju, fost l-oħrajn, minħabba l-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku, inklużi t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICTs”) u enfasi ikbar fuq l-impjegabbiltà u fuq id-dimensjoni soċjali.

(5)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fit-22 ta' Mejju 2008 dwar il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ enfasizzaw li d-diversità u l-ambjenti multikulturali jistgħu jistimulaw il-kreattività.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ tal-21 ta' Novembru 2008, il-Kunsill stieden lill-Istati Membri jadottaw il-mira li gradwalment il-perijodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż isiru r-regola u mhux l-eċċezzjoni għaż-żgħażagħ Ewropej kollha. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' ħidma li jinkludi miżuri ta' mobbiltà transkonfinali fil-programmi Ewropej kollha u tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-mobbiltà.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u min imexxi l-iskejjel rrikonoxxew li l-għalliema fil-livelli kollha jistgħu jibbenefikaw aktar minn iżjed mobbiltà fit-tagħlim u n-netwerking.

(8)

Il-Kummissjoni ppubblikat il-Green Paper dwar Il-promozzjoni tal-mobbiltà taż-żgħażagħ f'Lulju 2009 li nediet konsultazzjoni pubblika dwar diversi kwistjonijiet, bħal pereżempju: kif l-aħjar li jingħataw spinta opportunitajiet ta' mobbiltà għaż-żgħażagħ Ewropej, liema ostakoli għall-mobbiltà għadhom iridu jingħelbu u kif l-operaturi kollha involuti jistgħu jingħaqdu flimkien fi sħubija ġdida għall-mobbiltà fit-tagħlim. Ir-rispons għal din il-konsultazzjoni kien ta' kontribut kbir għal din ir-Rakkomandazzjoni, kif kienu wkoll l-opinjonijiet li waslu mingħand il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3) u l-Kumitat tar-Reġjuni (4).

(9)

Il-mobbiltà tar-riċerkaturi żgħażagħ għandha titħeġġeġ ukoll biex jiġi żgurat li l-Unjoni tlaħħaq mal-kompetituri tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2008 dwar Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: sħubija Ewropea għal riċerkaturi pproponiet sett ta' azzjonijiet biex jiġi żgurat li r-riċerkaturi madwar l-Unjoni jibbenefikaw mit-taħriġ adegwat, karrieri attraenti u tneħħija tal-ostakoli għall-mobbiltà tagħhom, filwaqt li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2010 dwar Il-mobbiltà u karrieri tar-riċerkaturi Ewropej identifikaw konsiderazzjonijiet konkreti dwar kif tista' tittejjeb il-mobbiltà tar-riċerkaturi u identifikaw diversi oqsma għal azzjoni sabiex jiġi promoss il-moviment ħieles tal-għarfien (il-“ħames libertà”).

(10)

Il-programmi tal-Unjoni, minbarra li jipprovdu appoġġ sostanzjali għall-mobbiltà u jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni ta' sistemi edukattivi, ippermettew it-tixrid fil-livell tal-Unjoni ta' prattika u għodod tajba, li jimmiraw li jiffaċilitaw il-mobbiltà taż-żgħażagħ fil-kuntesti kollha ta' tagħlim u taħriġ.

(11)

Minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi, huwa partikolarment meħtieġ li jiġu żgurati l-użu effiċjenti u s-simplifikazzjoni amministrattiva ta' programmi u għodod eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-mobbiltà fit-tagħlim.

(12)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirriferi għaż-żgħażagħ fl-Ewropa fil-kuntesti kollha ta' tagħlim u taħriġ, fl-iskejjel, f'taħriġ vokazzjonali (ibbażati fi skejjel jew apprendistati), fi programmi b'ċiklu qasir u f'lawrji ta' baċellerat, master u dottorat, kif ukoll fi skambji taż-żgħażagħ, attivitajiet volontarji jew apprendistati, fl-Unjoni jew barra mill-Unjoni. Il-mobbiltà fit-tagħlim titqies bħala rilevanti għad-dixxiplini u l-oqsma kollha, bħalma huma l-kultura, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-arti u l-isport, kif ukoll għall-intraprendituri u r-riċerkaturi żgħażagħ. Fis-sens ta' din ir-Rakkomandazzjoni, it-tagħlim ikopri t-tagħlim formali, mhux formali u informali.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ u, meta possibbli, biex ineħħu l-ostakoli li qed ixekklu l-progress f'dan il-qasam. Fl-istess ħin, hija tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri taħt leġislazzjoni nazzjonali u taħt dik tal-Unjoni.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-istrumenti eżistenti tal-Unjoni u ta' Bologna biex jiffaċilitaw il-mobbiltà, b'mod partikolari l-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobbiltà, l-Europass, (inkluż is-Suppliment tad-Diploma), il-Youthpass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni tagħti gwida speċifika dwar kwistjonijiet amministrattivi u istituzzjonali marbuta mal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ,

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

(1)   Informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim

(a)

Itejbu l-kwalità tal-informazzjoni u l-gwida dwar l-opportunitajiet ta' mobbiltà nazzjonali, reġjonali u lokali u d-disponibbiltà tal-konċessjonijiet, waqt li jimmiraw gruppi speċifiċi ta' studenti, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw modi ġodda, kreattivi u interattivi biex ixerrdu l-informazzjoni, jikkomunikaw u jagħmlu skambji maż-żgħażagħ u l-partijiet interessati l-oħra kollha.

(b)

Jagħmlu l-informazzjoni fir-rigward tal-mobbiltà fit-tagħlim aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ kollha, pereżempju permezz ta' portali ċentralizzati fuq l-internet u servizzi oħra fuq l-internet, ċentri ta' appoġġ (bħal “uffiċċji Ewropej”), informazzjoni u servizzi ta' pariri. L-użu ta' servizzi bbażati fuq l-internet jista' wkoll ikun ta' għajnuna. Huwa rrakkomandat li jintuża n-netwerk Euroguidance f'dan il-kuntest.

(c)

Jikkooperaw mal-Kummissjoni biex ikomplu jizviluppaw u jaġġornaw il-portal PLOTEUS dwar l-opportunitajiet tat-tagħlim, prattikament billi jżidu l-għadd ta' riżorsi ta' informazzjoni nazzjonali li ċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw direttament permezz tal-pjattaforma multilingwi PLOTEUS.

(d)

Iħeġġu lill-aġenziji nazzjonali u reġjonali rilevanti jiżguraw li x-xogħol tagħhom jiġi integrat ma' dak tal-partijiet interessati fil-mobbiltà fit-tagħlim biex jiżguraw fluss ta' informazzjoni ċara, koerenti u sempliċi.

(2)   Motivazzjoni għall-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' mobbiltà fit-tagħlim transnazzjonali

(a)

Jippromwovu l-valur miżjud tal-mobbiltà fit-tagħlim fost l-istudenti, il-familji tagħhom, l-għalliema, min iħarreġ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ u min iħaddem f'termini tal-milja personali u l-iżvilupp ta' kompetenzi professjonali, lingwistiċi, soċjali u interkulturali, il-kreattività, iċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabbiltà futura, partikolarment fil-kuntest ta' suq tax-xogħol li kull ma jmur qed isir aktar globali.

(b)

Jinkoraġġixxu netwerking bejn l-organizzazzjonijiet rilevanti, il-partijiet interessati u atturi oħrajn, sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat għall-motivazzjoni taż-żgħażagħ.

(c)

Jinkoraġġixxu l-iskambji bejn il-pari bejn studenti li huma mobbli u dawk li għadhom mhumiex biex itejbu l-motivazzjoni.

(d)

Irawmu “kultura ta' mobbiltà”, pereżempju permezz tal-integrazzjoni tal-opportunitajiet ta' mobbiltà fil-kuntesti kollha tat-tagħlim u permezz tal-promozzjoni ta' rikonoxximent soċjali akbar tal-valur tal-mobbiltà fit-tagħlim.

(3)   Tħejjija ta' opportunitajiet għall-mobbiltà fit-tagħlim, partikolarment fir-rigward ta' ħiliet f'lingwi barranin u kuxjenza interkulturali

(a)

Jagħrfu l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi u l-kisba ta' kompetenzi interkulturali mill-istadji bikrin tal-edukazzjoni, billi jinkoraġġixxu tħejjija lingwistika u kulturali ta' kwalità għall-mobbiltà kemm fl-edukazzjoni ġenerali kif ukoll f'dik vokazzjonali.

(b)

Jinkoraġġixxu lill-għalliema biex jużaw metodi aktar innovattivi għall-għoti tat-tagħlim tal-lingwi, inklużi dawk ibbażati fuq l-ICTs. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil studenti fi żvantaġġ u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

(c)

Irawmu l-kisba ta' kompetenzi diġitali bażiċi miż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu iħejju l-mobbiltà tagħhom fl-aqwa kundizzjonijiet, kif ukoll jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda għall-mobbiltà virtwali, li jikkomplementaw il-mobbiltà fiżika.

(d)

Jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' sħubiji u skambji bejn istituzzjonijiet edukattivi, kif ukoll bejn fornituri ta' tagħlim mhux formali, sabiex il-perijodi ta' mobbiltà jitħejjew aħjar.

(4)   Kwistjonijiet amministrattivi u istituzzjonali relatati mal-perijodu ta' tagħlim f'pajjiż barrani

(a)

Isolvu, meta possibbli, il-kwistjonijiet amministrattivi li jikkawżaw diffikultajiet fil-ħruġ ta' viżi jew permessi ta' residenza għal persuni mhux ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jkunu jixtiequ jieħdu opportunità ta' tagħlim fi Stat Membru.

(b)

Inaqqsu, meta possibbli, il-piżijiet amministrattivi sabiex jippromwovu l-mobbiltà fit-tagħlim lejn u mill-Unjoni. Aktar kooperazzjoni u sħubiji ma' pajjiżi terzi, ftehimiet bejn l-awtoritajiet rilevanti madwar l-Istati Membri u ftehimiet bilaterali bejn l-istituzzjonijiet jiffaċilitaw il-mobbiltà fit-tagħlim bejn l-Unjoni u partijiet oħra tad-dinja.

(c)

Iqisu kwistjonijiet li jirriżultaw minn regoli legali differenti madwar l-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-minorenni fl-iskemi ta' mobbiltà fit-tagħlim.

(d)

Jiddefinixxu sistemi ċari għall-inkoraġġiment ta' apprendisti fl-edukazzjoni vokazzjonali inizjali biex jinvolvu ruħhom fil-mobbiltà fit-tagħlim. Biex titrawwem il-mobbiltà fit-tagħlim tal-apprendisti kif ukoll tar-riċerkaturi żgħażagħ, l-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jiżguraw aċċess adegwat għal protezzjoni f'termini ta' assigurazzjoni, livelli tax-xogħol, rekwiżiti tas-saħħa u s-sigurtà u arranġamenti ta' taxxa, sigurtà soċjali u pensjoni.

(e)

Jinkoraġġixxu b'mod attiv programmi ta' edukazzjoni u taħriġ li jkunu żviluppati u mogħtija b'mod konġunt ma' istituzzjonijiet f'pajjiżi oħra.

(f)

Jintegraw opportunitajiet għall-mobbiltà fit-tagħlim fil-kurrikulu jew programm ta' taħriġ, fejn ikun adatt. Barra min hekk, jagħtu opportunitajiet ukoll ta' perijodi qosra ta' mobbiltà, li jistgħu jgħinu biex jinkoraġġixxu aktar żgħażagħ biex ikunu mobbli.

(5)   Portabbiltà ta' konċessjonijiet u self ta' flus

Jippromwovu l-portabbiltà tal-konċessjonijiet, is-self tal-flus u l-aċċess adegwat għall-benefiċċji rilevanti, sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ.

(6)   Kwalità tal-mobbiltà fit-tagħlim

(a)

Jużaw karti ta' kwalità eżistenti, bħall-Karta Ewropea ta' Kwalità għall-Mobbiltà u karti fil-livell nazzjonali u reġjonali, sabiex jiġi żgurat li l-mobbiltà tkun ta' kwalità għolja, u jippromwovu l-assigurazzjoni ta' kwalità għal kull aspett tal-mobbiltà.

(b)

Jinkoraġġixxu djalogu kontinwu u arranġamenti ċari bejn l-istituzzjonijiet li jibgħatu u dawk ospitanti, pereżempju bl-użu ta' arranġamenti ta' tagħlim. Jinkoraġġixxu r-rikonoxximent ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi miksuba, proċeduri ta' għażla trasparenti, skambju bejn il-pari u appoġġ strutturat tal-istudenti.

(c)

Jinkoraġġixxu mekkaniżmi ta' feedback regolari wara perijodu ta' mobbiltà fit-tagħlim, sabiex tiġi żgurata l-kwalità għolja tal-esperjenza.

(d)

Jinkoraġġixxu skemi ta' konsulenza u ta' tagħlim bejn il-pari biex jiżguraw l-integrazzjoni tal-istudenti mobbli fil-pajjiż jew istituzzjoni ospitanti.

(e)

Jinkoraġġixxu l-provvediment ta' faċilitajiet konvenjenti u bi prezzijiet raġonevoli, bħal akkomodazzjoni, ikel u xorb, u trasport, għall-istudenti mobbli.

(f)

Jinkoraġġixxu l-forniment ta' gwida għall-istudenti dwar kif isir l-aħjar użu mill-mobbiltà fit-tagħlim sabiex jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom.

(g)

Jinkoraġġixxu l-forniment ta' gwida għall-istudenti mobbli meta jirritornaw lejn pajjiżhom dwar kif jużaw il-kompetenzi li jkunu kisbu waqt il-waqfa tagħhom f'pajjiż barrani. Jipprovdu għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid wara waqfa twila f'pajjiż barrani.

(7)   Rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim

(a)

Jippromwovu l-implimentazzjoni u l-użu ta' strumenti tal-UE li jiffaċilitaw it-trasferiment u l-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim ta' esperjenzi ta' mobbiltà bejn l-Istati Membri. Dawk l-istrumenti għandhom ukoll jiġu rreklamati aħjar, speċjalment fost dawk li jħaddmu.

(b)

Itejbu l-proċeduri u l-linji gwida għall-validazzjoni u r-rikonoxximent kemm tat-tagħlim informali u kemm dak li mhux formali sabiex jiffaċilitaw iktar mobbiltà, pereżempju f'attivitajiet volontarji u xogħol maż-żgħażagħ.

(c)

Jindirizzaw il-kwistjoni tal-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi, bħal ħiliet f'lingwi barranin, miksuba waqt perijodi ta' mobbiltà f'pajjiż barrani.

(d)

Jappoġġaw u jsaħħu l-viżibbiltà ta' punti ta' kuntatt fejn l-individwi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar kif il-kwalifikazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu rrikonoxxuti u ċċertifikati wara li jirritornaw lejn pajjiżhom.

(8)   Studenti żvantaġġati

Jipprovdu lill-istudenti żvantaġġati, li jistgħu ikunu nieqsa minn opportunitajiet għall-mobbiltà fit-tagħlim, b'informazzjoni mmirata dwar programmi disponibbli u appoġġ adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

(9)   Sħubiji u fondi

(a)

Jinkoraġġixxu sħubiji ta' mobbiltà fit-tagħlim ma' atturi kemm pubbliċi u kemm privati li joperaw fil-livell reġjonali u lokali. Il-kmamar tal-kummerċ, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u dawk professjonali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu jkunu sħab siewja f'dan il-kuntest. Barra minn hekk, għandhom jitrawmu netwerks ta' skejjel, universitajiet u intrapriżi li jiskambjaw l-informazzjoni, l-aħbarijiet u l-esperjenzi.

(b)

Jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikollhom rwol dejjem akbar fil-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim billi jsejsu fuq netwerks eżistenti u joħolqu sħubiji ġodda.

(c)

Jistimulaw kooperazzjoni u komunikazzjoni attivi, inklużi s-sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għall-valur tal-mobbiltà fit-tagħlim, bejn is-settur tal-edukazzjoni u dak tal-kummerċ, peress li l-involviment tan-negozji huwa fattur importanti fit-tisħiħ tal-mobbiltà taż-żgħażagħ, pereżempju bil-provvediment ta' esperjenzi fuq il-post tax-xogħol. Meta adatt, jipprovdu inċentivi, bħal konċessjonijiet speċjali lin-negozji, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali, immirati biex jinkoraġġixxu l-involviment tagħhom fil-provvediment ta' esperjenzi fuq il-post.

(d)

Jikkontribwixxu għall-koerenza u l-kumplimentarjetà ta' programmi nazzjonali u tal-Unjoni, bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji u tittejjeb l-effiċjenza tal-programmi ta' mobbiltà.

(10)   Ir-rwol tal-multiplikaturi

(a)

Jinkoraġġixxu l-użu ta' ‘multiplikaturi’ bħal għalliema, dawk li jħarrġu, familji, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u żgħażagħ li ħadu sehem f'esperjenza ta' mobbiltà biex jispiraw u jimmotivaw liż-żgħażagħ biex isiru mobbli. Jinkoraġġixxu lil min iħaddem fil-qasam tal-edukazzjoni biex jirrikonoxxi u japprezza l-impenn tal-għalliema, ta' min iħarreġ u ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ lejn il-mobbiltà fit-tagħlim.

(b)

Jippromwovu u jappoġġaw l-opportunitajiet għall-mobbiltà fit-tagħlim bħala komponent fit-taħriġ inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-kapijiet tal-istituzzjonijiet edukattivi, l-għalliema, min iħarreġ, il-persunal amministrattiv u dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ.

(11)   Monitoraġġ tal-progress

(a)

Jappoġġaw – fuq bażi volontarja – ħidma fuq il-fattibbiltà tal-ħolqien ta' qafas metodoloġiku għall-monitoraġġ tal-progress fil-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim u t-tneħħija ta' ostakoli għaliha, ibbażata fuq studju preparatorju mwettaq min-netwerk Eurydice bl-għajnuna ta' esperti mill-Istati Membri u billi jsir użu sħiħ mis-sorsi eżistenti ta' data u informazzjoni.

(b)

Jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar progress fil-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim u t-tneħħija ta' ostakoli għaliha fil-qafas tal-istrutturi ta' rappurtar eżistenti tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”).

B'DAN JIEĦU NOTA TAL-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

(1)

Tiżgura – f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri - l-użu sħiħ u effiċjenti ta' programmi u baġits tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, sabiex testendi u twessa' opportunitajiet ta' tagħlim għaż-żgħażagħ, inkluż billi tikkunsidra l-użu ta' fondi Ewropej strutturali u ta' koeżjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (5).

(2)

Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim, b'mod partikolari billi tqis l-implikazzjonijiet ta' din ir-rakkomandazzjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żgħażagħ u għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss tal-Unjoni.

(3)

Ittejjeb, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-qafas ta' statistika użat biex titkejjel il-mobbiltà fit-tagħlim transnazzjonali.

(4)

Tistudja l-fattibbiltà, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti mill-Istati Membri, tal-iżvilupp ta' qafas metodoloġiku - li fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Żgħażagħ f'Moviment ssir referenza għalih bħala “Tabella ta' Valutazzjoni għall-Mobbiltà” – għall-monitoraġġ tal-progress fil-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim u t-tneħħija ta' ostakoli għaliha.

(5)

Tivvaluta l-progress fit-tneħħija ta' ostakoli għall-mobbiltà fit-tagħlim wara l-ewwel erba' snin mill-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  ĠU C 371, 23.12.2000, p. 4.

(2)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(3)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 81.

(4)  ĠU C 175, 1.7.2009, p. 31.

(5)  Kif ukoll tikkunsidra l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta' mezzi ġodda ta appoġġ finanzjarju - inkluż faċilità potenzjali Ewropea għas-self lill-istudenti – f'konformità mal-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni fil-Konklużjonijiet ta' Novembru 2008 dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-6 ta’ Lulju 2011

2011/C 199/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4318

JPY

Yen Ġappuniż

116,03

DKK

Krona Daniża

7,4589

GBP

Lira Sterlina

0,89485

SEK

Krona Żvediża

9,0902

CHF

Frank Żvizzeru

1,2059

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,7665

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,265

HUF

Forint Ungeriż

265,06

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7091

PLN

Zloty Pollakk

3,9544

RON

Leu Rumen

4,2105

TRY

Lira Turka

2,3394

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3420

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3833

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,1436

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7335

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7605

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 522,70

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,7005

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,2592

HRK

Kuna Kroata

7,3993

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 240,27

MYR

Ringgit Malażjan

4,3146

PHP

Peso Filippin

61,526

RUB

Rouble Russu

40,0600

THB

Baht Tajlandiż

43,660

BRL

Real Brażiljan

2,2495

MXN

Peso Messikan

16,7138

INR

Rupi Indjan

63,5790


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

Awtorità ta' Sorveljanza EFTA

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/7


Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni biex ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni

2011/C 199/03

L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għall-miżura li ġejja dwar l-għajnuna mill-Istat:

Data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

:

it-23 ta Marzu 2011

Numru tal-każ

:

69527

Numru tad-Deċiżjoni

:

89/11/COL

Stat tal-EFTA

:

In-Norveġja

Titolu (u/jew isem il-benefiċjarju)

:

Il-modifika għall-iskema għaċ-Ċentri tal-Innovazzjoni bbażata fuq ir-Riċerka

Bażi ġuridika

:

Il-white paper tal-Gvern dwar ir-riċerka: “L-impenn għar-riċerka”. Id-dokument tal-baġit għall-2011 mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka. Il-Linji Gwida mill-Kunsill tar-Riċerka tan-Norveġja

Forma ta' għajnuna

:

Għotja

Baġit

:

NOK 1 680 miljun

Tul ta' żmien

:

Sal-2019

Isem u indirizz tal-awtorità li qed tagħti l-għajnuna

:

The Norwegian Ministry of Education and Research

PO Box 8119 Dep.

0032 Oslo

NORWAY

It-test awtentiku tad-deċiżjoni, li minnu tneħħiet kull informazzjoni kunfidenzjali, huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA:

http://www.eftasurv.int/state-aid/state-aid-register/


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Qorti tal-EFTA

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/8


Azzjoni mressqa fil-11 ta' April 2011 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

(Każ E-8/11)

2011/C 199/04

Fil-11 ta' April 2011 l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Florence Simonetti, li qegħdin jaġixxu ta' Aġenti tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, 35, Rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium, ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

(1)

Billi naqset milli tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu fasslu u, fejn dan ikun relevanti, approvaw mapep strateġiċi tal-ħsejjes, u li jkunu fasslu pjani ta’ azzjoni għat-toroq maġġuri kollha fuq it-territorju tagħha li minnhom jgħaddu aktar minn sitt miljun vettura fis-sena, u milli tiżgura li l-informazzjoni minn mapep strateġiċi u minn sommarji tal-pjani ta’ azzjoni kif imsemmi fl-Anness VI tad-Direttiva, ikunu ntbagħtu lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, ir-Repubblika tal-Islanda naqset milli tonora l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 7(1), 8(1) u 10 tal-Att imsemmi fil-punt 32g tal-Anness XX tal-Ftehim taż-ŻEE (Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali) kif adattati għall-Ftehim taż-ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu.

kif ukoll

(2)

Ir-Repubblika tal-Islanda għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tiddikjara li l-Islanda naqset milli tfassal mapep tal-ħsejjes u pjani ta’ azzjoni dwar il-ħsejjes rigward toroq maġġuri li minnhom jgħaddu aktar minn sitt miljun vettura fis-sena.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tiddikjara li nuqqas bħal dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 7(1), 8(1) u 10 tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-ġestjoni tal-ħsejjes, imsemmija fil-punt 32g tal-Anness XX tal-Ftehim taż-ŻEE.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/9


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6166 – NYSE Euronext/Deutsche Börse)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 199/05

1.

Fid-29 ta’ Ġunju 2011 il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi NYSE Euronext (“NYX”, l-Istati Uniti) u Deutsche Börse (“DB”, il-Ġermanja) daħlu f'amalgamazzjoni sħiħa skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal NYX: servizzi ta' illistjar tal-kontanti, servizzi ta' nnegozjar tal-ishma bil-kontanti (cash trading) u servizzi ta' wara l-innegozjar, servizzi ta' nnegozjar tal-prodotti dderivati u ta' kklerjar, servizzi ta' informazzjoni, u soluzzjonijiet teknoloġi'i,

għal DB: servizzi ta' illistjar tal-kontanti, servizzi ta' nnegozjar tal-ishma bil-kontanti (cash trading) u servizzi ta' wara l-innegozjar, servizzi ta' nnegozjar tal-prodotti dderivati u ta' kklerjar, servizzi ta' informazzjoni, u soluzzjonijiet teknoloġiċi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6166 – NYSE Euronext/Deutsche Börse, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/10


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6257 – Blackstone/Valad Property)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 199/06

1.

Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża The Blackstone Group L.P. (“Blackstone”, l-Istati Uniti) takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ ta’ Valad Funds Management Limited u Valad Property Trust (flimkien “Valad Property”, l-Awstralja) permezz tal-akkwist ta' titoli.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Blackstone: ġestjoni alternattiva tal-assi, servizzi ta’ konsulenza finanzjarja,

għal Valad Property: servizzi ta’ proprjetà immobbli.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6257 – Blackstone/Valad Property, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/11


Avviż għall-attenzjoni ta' Othman Ahmed Othman Al-Ghamdi li hi persuna miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi ta' restrizzjoni diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk tal-Al-Qaida u t-Talibani, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 621/2011

2011/C 199/07

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1) titlob lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta' Usama bin Laden, ta' membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u tat-Talibani u ta' individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, imsemmijin fil-lista magħmula skont UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tiġi aġġornata b'mod regolari mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont UNSCR 1267(1999).

Il-lista mfassla minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi:

Al Qaida, it-Taliban u Usama bin Laden;

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati mal-Al Qaida, mat-Taliban u ma' Usama bin Laden; kif ukoll

persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà ta' kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi u gruppi assoċjati, jew li huma kkontrollati minnhom jew jappoġġjawhom mod ieħor.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità hi “assoċjata ma'” l-Al-Qaida, Usama bin Laden jew it-Taliban jinkludu:

(a)

il-parteċipazzjoni fl-iffinanzjar, fl-ippjanar, fl-iffaċilitar, fit-tħejjija jew fit-twettiq ta' atti jew attivitajiet li jsiru mill-Al Qaida, mit-Taliban jew minn Usama bin Laden, jew li jsiru magħhom, f'isimhom jew bħala għajnuna għalihom, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp żgħir li jinqata' minnhom jew derivattiv tagħhom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat ma' xi wieħed minnhom;

(c)

ir-reklutaġġ għal xi wieħed minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta' appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta' xi wieħed minnhom.

2.

Il-Kumitat tan-NU ddeċieda fil-16 ta’ Ġunju 2011 li jżid lil Othman Ahmed Othman Al-Ghamdi mal-lista relevanti. Huwa jista' meta jrid iressaq talba lill-Ombudsman tan-NU, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ta' appoġġ, sabiex id-deċiżjoni biex jiġi inkluż fil-lista tan-NU msemmija aktar “il fuq terġa” tiġi kkunsidrata. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

In-Nazzjonijiet Uniti – Uffiċċju tal-Ombudsperson

Kamra TB-08041D

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel. +1 2129632671

Fax +1 2129631300 / 3778

Posta elettronika: ombudsperson@un.org

Għal aktar informazzjoni żur http://www.un.org/sc/committees/1267/delisting.shtml

3.

B'żieda mad-deċiżjoni tan-NU msemmija fit-tieni paragrafu, il-Kummissjoni adottat Regolament (UE) Nru 621/2011 (2), li jemenda l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi ta' restrizzjoni diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk tal-Al-Qaida u t-Talibani (3). L-emenda, magħmula f'konformità mal-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolment (KE) Nru 881/2002, iżżid lil Othman Ahmed Othman Al-Ghamdi fil-lista f'Anness I ta' dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-persuni u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, jew huma proprjetà ta' jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) milli jagħmlu disponibbli finanzjament u riżorsi ekonomiċi lill-persuni kwalunkwe mill-individwi u l-entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, sew jekk direttament kif ukoll jekk indirettament (l-Artikoli 2 u 2a (4)); kif ukoll

(2)

il-projbizzjoni tal-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta' pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma' attivitajiet militari lil kwalunkwe mill-individwi jew entitajiet ikkonċernati, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikolu 3).

4.

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 (5) jipprevedi proċedura ta' reviżjoni fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista minn dawk li jkunu elenkati. L-individwi u l-entitajiet miżjudin fl-Anness I permezz tar-Regolament (UE) Nru 621/2011 jistgħu jagħmlu talba lill-Kummissjoni biex isiru jafu r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista. Din it-talba għandha tintbagħat lil:

Il-Kummissjoni Ewropea

“Miżuri Restrittivi”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament (UE) Nru 621/2011 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba' u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Id-dejta personali tal-individwi kkonċernati se tkun trattata f'konformità mar-regoli li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (issa l-Unjoni) u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta (6). Kwalunkwe talba, pereżempju għal aktar informazzjoni jew sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (pereżempju l-aċċess jew ir-rettifika ta' dejta personali), għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, fl-istess indirizz imsemmi fil-punt 4 aktar 'il fuq.

7.

Biex ikun hemm ordni tajba, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li jagħmlu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat/i Membru/i rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet speċjali jew pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta' dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.

(2)  ĠU L 166, 25.6.2011, p. 18.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.

(4)  L-Artikolu 2a ddaħħal mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003 (ĠU L 82, 29.3.2003, p. 1).

(5)  L-Artikolu 7a ddaħħal mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009 (ĠU L 346, 23.12.2009, p. 42).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Rettifika

7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/13


Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura kontra s-sussidji fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet minnhom, li joriġinaw fl-Indja

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 142, tat-13 ta' Mejju 2011 )

2011/C 199/08

Fir-rigward tat-titolu tal-att,

minflok:

aqra:


7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/13


Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni dwar notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti qfieli tal-azzar li ma jissaddadx u partijiet minnhom, li joriġinaw fl-Indja

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 142, tat-13 ta' Mejju 2011 )

2011/C 199/09

Fir-rigward tat-titolu tal-att,

minflok:

aqra:


7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/14


Rettifika għall-opinjoni tal-Kummissjoni rigward l-avviż dwar l-iskadenza ta' ċerti miżuri tal-anti-dumping

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 146, tas-17 ta' Mejju 2011 )

2011/C 199/10

Fir-rigward tat-titolu tal-att,

minflok:

aqra:


7.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 199/14


Rettifika għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-notifika tal-inizjazzjoni ta' proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta' ċerti prodotti kkonċentrati mill-proteina tas-sojja, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 121, tad-19 ta' April 2011 )

2011/C 199/11

Fir-rigward tat-titolu tal-att,

minflok:

aqra: