ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.175.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 175

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
15 ta' Ġunju 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2011/C 175/01

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tal-kultura għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020

1

2011/C 175/02

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura

5

2011/C 175/03

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

8

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

15.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tal-kultura għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020

2011/C 175/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta' Ġunju 2010 ta' “Ewropa 2020”, strateġija għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (1);

l-isfond politiku kif deskritt fl-Anness ta' dawn il-Konklużjonijiet;

FILWAQT LI JFAKKAR:

ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (2), li fil-Linja Gwida 4 tagħha tenfasizza l-potenzjal ekonomiku kbir tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) u r-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-innovazzjoni;

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arrikkiment reċiproku bejn l-inizjattivi ewlenin Aġenda Diġitali għall-Ewropa u Unjoni tal-Innovazzjoni, tal-Ewropa 2020 (3), li jenfasizzaw l-importanza tal-kontenut kulturali u kreattiv on-line u jisħqu dwar il-ħtieġa li jiġu msaħħa “d-diġitazzjoni u d-disseminazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew, inkluż permezz tal-proġett tal-librerija diġitali ‘Europeana’ ”;

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni: L-aċċelerazzjoni tat-trasformazzjoni tal-Ewropa permezz ta' rwol li qed jinbidel malajr (4), li tirrikonoxxi li s-setturi kulturali u kreattivi jirrappreżentaw sors importanti ta' innovazzjoni teknoloġika u mhux teknoloġika, u li dan il-potenzjal għandu jinfetaħ kompletament;

id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Analiżi tal-konsultazzjoni mnedija bil-Green Paper dwar ‘Ftuħ tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi’ ” (5) li jissottolinja li maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu appellaw biex jingħata rwol importanti għas-CCIs fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha;

JILQA' B'SODISFAZZJON:

il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha;

BILLI:

il-kultura tista' tagħti kontribut sinifikanti u multidimensjonali lill-miżuri proposti mil-linji gwida integrati u l-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 li għandhom l-għan li jdawru l-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva;

sabiex jitwassal dan il-kontribut, ġew identifikati sitt oqsma prijoritarji għal koperazzjoni msaħħa fil-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2011-2014 (6);

koperazzjoni bejn is-setturi rilevanti kollha u approċċ immirat fil-livelli kollha ta' politika huma urġenti u ewlenin biex ikun sfruttat dan il-kontribut;

huwa importanti li l-istrutturi tal-governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 ikunu jistgħu jieħdu kont tal-kontribut mis-settur kulturali u kreattiv;

FILWAQT LI JENFASIZZA:

1.   Il-kontribut tal-kultura għal tkabbir intelliġenti

Is-CCIs huma sors ewlieni ta' potenzjal ta' impjieg. Fl-aħħar deċennju, l-impjiegi b'mod ġenerali fis-CCIs żdiedu għal tliet darbiet meta mqabblin mat-tkabbir fl-impjiegi fl-ekonomija tal-UE globalment (7). Huma wkoll mutur għall-kreattività u l-innovazzjoni mhux teknoloġika fl-ekonomija, billi jipproduċu servizzi u prodotti ta' kwalità għolja u kompetittivi. Finalment, permezz tar-rabtiet rilevanti mal-edukazzjoni, il-kultura tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għat-taħriġ ta' forza tax-xogħol bil-ħiliet neċessarji u adattabbli, sabiex b'hekk tikkomplementa l-prestazzjoni ekonomika.

2.   Il-kontribut tal-kultura għal tkabbir sostenibbli

Il-kultura tista' tikkontribwixxi lejn it-tkabbir sostenibbli permezz tat-trawwim ta' mobbiltà aktar ekoloġika u l-użu ta' teknoloġiji avvanzati sostenibbli, inkluża d-diġitalizzazzjoni li tiżgura d-disponibbiltà on-line tal-kontenut kulturali. L-artisti u s-settur kulturali fl-assjem tiegħu jistgħu jkollhom rwol kruċjali fit-tibdil tal-attitudnijiet tan-nies lejn l-ambjent.

3.   Il-kontribut tal-kultura għal tkabbir inklużiv

Il-kultura tista' tikkontribwixxi għal tkabbir inklużiv billi tippromwovi d-djalogu interkulturali b'rispett sħiħ lejn id-diversità kulturali. L-attivitajiet u l-programmi kulturali jistgħu jsaħħu l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp tal-komunità kif ukoll jippermettu lill-individwi jew lill-komunità biex jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

jieħdu inkonsiderazzjoni l-karattru trasversali tal-kultura meta jifformulaw il-politiki u l-programmi ta' riforma nazzjonali rilevanti fir-rigward tal-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jikkondividu prattika tajba fir-rigward tal-għodda u l-metodoloġiji biex jitkejjel il-kontribut tal-kultura għal dawn il-miri;

isaħħu s-sinerġiji u jippromwovu s-sħubiji bejn l-edukazzjoni, il-kultura, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u s-settur kummerċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak lokali b'attenzjoni speċjali għat-trawwim tat-talent u l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-attivitajiet kreattivi;

jagħmlu użu mill-istrumenti finanzjarji tal-UE - partikolarment il-Fondi Strutturali - biex jagħrfu l-potenzjal tal-kultura u s-CCIs bħala muturi għall-iżvilupp fir-reġjuni u l-bliet u, fejn adatt, biex jintegrawhom fi strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (8);

jinkoraġġixxu, sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, teknoloġiji sostenibbli u ekoloġiċi fil-proċessi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' prodotti u servizzi kulturali u biex jappoġġaw lill-artisti u s-settur kulturali fit-tkattir tas-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli permezz fost l-oħrajn ta' attivitajiet mhux formali u informali;

jesploraw ir-rwol tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli fl-iżvilupp tal-komunità u fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva u jieħdu kont tagħha meta jfasslu strateġiji rilevanti dwar l-iżvilupp lokali u reġjonali;

jirrispondu għall-ħtiġijiet ta' taħriġ u l-prijoritajiet għall-bini tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet u l-professjonisti speċjalizzati li jwettqu ħidma soċjokulturali effettiva;

jikkunsidraw il-ħtiġijiet għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fl-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi biex jippermettulhom jipprovdu servizzi adatti, b'attenzjoni speċjali għall-funzjonijiet soċjokulturali tagħhom;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

tikkunsidra, mingħajr preġudizzju għan-negozjati li jmiss dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, kif il-proposti tagħha għall-politika tal-UE fil-futur u l-istrumenti finanzjarji jistgħu jieħdu kont sħiħ tal-kontribut tal-kultura għall-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

tfittex il-koperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti kollha sabiex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-kultura fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u jiġi żgurat li dan ikun rifless fil-politiki, il-linji gwida u l-arranġamenti tal-governanza rilevanti;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

jattwaw il-qafas statistiku li qed jiġi żviluppat mill-ESSnet culture bil-ħsieb tal-produzzjoni ta' informazzjoni affidabbli, komparabbli u aġġornata dwar l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kultura u jaħdmu fuq prijoritajiet futuri abbażi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ESSnet-culture;

jibnu fuq ir-riżultati li jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq u jaħtfu l-opportunità tal-Alleanza Ewropea tal-Industriji Kreattivi sabiex isaħħu s-CCIs, partikolarment l-SMEs u l-mikrointrapriżi, u jesploraw modi ġodda biex ikabbru aktar il-kapaċità innovattiva tagħhom stess kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jixprunaw l-innovazzjoni f'setturi oħrajn;

jippromwovu d-diġitalizzazzjoni ta', u l-aċċess għall-wirt kulturali u tal-kontenut kulturali kontemporanju, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi, b'mod partikolari permezz ta' Europeana, u b'hekk ukoll jippromwovu u jippreservaw ukoll id-diversità kulturali u l-multilingwiżmu b'rispett sħiħ lejn id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati;

jippromwovu t-turiżmu kulturali sostenibbli bħala mutur għall-koeżjoni u l-iżvilupp ekonomiku;

jesploraw kif isaħħu l-komponent kulturali qawwi fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kompetenzi ewlenin (9), bil-ħsieb li dan jiddaħħal fit-tfassil tal-politika f'dan il-qasam.


(1)  EUCO 13/1/10 REV 1.

(2)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.

(3)  Dok. 16834/10.

(4)  Dok. 17165/10.

(5)  Dok. 8224/11 - SEC (2011)399 finali.

(6)  ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1.

(7)  Rapport dwar il-Kompetittività tal-Ewropa 2010, SEC(2010) 1276 finali.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” - COM (2010) 553 finali.

(9)  Il-kompetenzi ewlenin huma ddefiniti fir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).


ANNESS

Fl-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill ifakkar b'mod partikolari fl-isfond li ġej:

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (1);

Ir-rapport tal-“Comite des Sages”: “The New Renaissance” (2);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kultura bħala Katalista għall-Kreattività u l-Innovazzjoni (12 ta' Mejju 2009) (3);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Ġenerazzjoni Kreattiva: l-iżvilupp tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ permezz tal-espressjoni kulturali u l-aċċess għall-kultura (4);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali (5);

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-kultura fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (6);

Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza fl-għeluq tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Kultura (Barċellona, 31 ta' Marzu 2010) (7);

Id-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Presidenza fl-okkażjoni tal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Kultura (Brussell, 7 ta' Ottubru 2010) (8);

Id-Dikjarazzjoni tal-Presidenza mil-laqgħa informali tal-Ministri responsabbli tal-Kultura (Gödöllő, Ungerija, 28 ta' Marzu 2011).


(1)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(2)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/doc/reflection_group/final-report-cdS3.pdf u l-annessi tiegħu http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/index_en.htm

(3)  8175/1/09 REV 1.

(4)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 9.

(5)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 15.

(6)  ĠU C 324, 1.12.2010, p. 16.

(7)  http://www.eu2010.es/export/sites/presidencia/comun/descargas/Ministerios/en_conclusiones_rim_cultura.pdf

(8)  http://www.culture.be/fileadmin/sites/culture/upload/culture_super_editor/culture_editor/documents/Relations_IntNat/7_octobre_2010_Reunion_informelle_des_Ministres_de_la_Culture_Declaration_de_la_Presidence_EN_final_2_.pdf


15.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura

2011/C 175/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

il-Programm Kultura 2007-2013 (1) u l-objettiv speċifiku tiegħu dwar il-mobbiltà transnazzjonali tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura;

ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura (2), li skontha l-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura tagħti kontribut fundamentali għall-ksib tat-tliet objettivi strateġiċi tagħha;

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 u l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010 (3) u b'mod partikolari l-ewwel prijorità, “Titjib tal-kondizzjonijiet għall-mobilità tal-artisti u ta' professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali”;

il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 (4) u b'mod partikolari l-prijorità Ċ, “Ħiliet u Mobilità”;

il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005 (5) li l-UEu bosta mill-Istati Membri tagħha huma parti għaliha; huma b'hekk marbuta li jiżguraw li l-artisti, il-professjonisti tal-kultura u ċ-ċittadini fid-dinja kollha jkunu jistgħu joħolqu, jipproduċu, ixerdu u jgawdu firxa wiesgħa ta' attivitajiet, oġġetti u servizzi kulturali, inklużi tagħhom stess;

WAQT LI JIRREFERI GĦAL:

id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Analiżi tal-konsultazzjoni mnedija bil-Green Paper dwar ‘L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi’ ”, u b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-mobilità u ċ-ċirkolazzjoni (6) fejn enfasizza li bosta kontributuri kkummentaw dwar kwistjonijiet regolatorji, legali u kwistjonijiet oħra li għandhom impatt fuq il-mobilità u appella biex tingħata informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

il-proġett pilota tal-Parlament Ewropew għall-mobilità tal-artisti ddedikat għall-appoġġ tal-ambjent għall-mobilità tal-artisti, inkluż l-istudju dwar is-sistemi ta' informazzjoni (7);

ir-rapport ta' Ġunju 2010 tal-grupp ta' ħidma dwar il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-forniment ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura, inklużi l-linji gwida għas-Servizzi ta' Informazzjoni dwar il-Mobilità (8);

BILLI:

il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura fl-Ewropa hija kruċjali biex jissaħħħu d-diversità kulturali u lingwistika u d-djalogu interkulturali. Dan jistħoqqlu promozzjoni attiva mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura tippromwovi tilqigħ kreattiv kif ukoll il-produzzjoni u l-iskambju ta' beni u servizzi kulturali;

il-mobilità ssaħħaħ sens ta' appartenenza mal-Unjoni Ewropea u għarfien aktar profond tal-kulturi komuni tagħna;

il-mobilità hija importanti għall-funzjonament sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew f'konformità mat-Trattati. Użu aktar attiv u effiċjenti tal-possibbiltajiet inerenti għas-suq uniku jista' joħloq impjiegi ġodda u opportunitajiet ta' xogħol għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura u b'hekk jippromwovi l-impjiegi fis-settur tal-kultura u l-ekonomija usa';

il-ħidma kulturali u artistika qed issir dejjem aktar f'kuntesti internazzjonali fejn spiss jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol, mawriet, residenzi, kooperazzjoni, koproduzzjoni, żvilupp ta' karrieri, taħriġ u tagħlim bejn il-pari li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;

mobilità akbar u aħjar tista' tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (9);

ir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet amministrattivi u regolatorji li jistgħu joħolqu ostakoli għall-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura s-soltu jmorru lil himm mill-qasam ta' kompetenza tal-awtoritajiet tal-kultura; għaldaqstant, huma importanti n-netwerking u l-kooperazzjoni bejn diversi servizzi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

wieħed mill-ostakoli prinċipali msemmija mill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE huwa d-diffikultà biex jiksbu informazzjoni u pariri preċiżi u komprensivi dwar kwistjonijiet relatati mal-mobilità;

JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, BIEX

jiffaċilitaw il-forniment mis-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità ta' informazzjoni komprensivi u preċiżi lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE. Għal dan l-għan, jagħmlu l-aħjar użu mill-kompetenza fl-amministrazzjoni pubblika u l-organizzazzjonijiet tas-settur kulturali. Fejn adatt, jibnu fuq servizzi eżistenti biex ixerdu l-informazzjoni, filwaqt li jagħrfu li f'xi każijiet dawn huma sors prinċipali ta' informazzjoni preċiża.

Għal dan l-għan, is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huma meqjusin bħala servizzi li jipprovdu informazzjoni u pariri lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE.

Il-grupp ta' mira tas-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huwa meqjus li huwa l-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jaslu, jirresjedu jew jitilqu. Il-komunità ta' “artisti u professjonisti tal-kultura” tinkludi l-professjonisti kollha artistiċi, maniġerjali, loġistiċi u tal-komunikazzjoni u professjonisti oħra fis-settur kulturali u fil-professjonijiet artistiċi eżerċitati f'setturi oħra (10). Minbarra artisti individwali u professjonisti tal-kultura, l-operaturi jinkludu fi gruppi partikolari, ensembles u organizzazzjonijiet. Billi għadd mill-artisti li jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, tista' tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

F'dan il-kuntest, is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huma kkaratterizzati minn standards komuni ta' kwalità, suġġetti ta' informazzjoni maqbula u sħubiji strateġiċi.

L-istandards ta' kwalità jiddefinixxu impenn volontarju komuni mill-partijiet interessati kollha involuti fi (n-netwerk ta') s-servizz(i) ta' informazzjoni dwar il-mobilità, sabiex tkun żgurata informazzjoni ta' kwalità għolja għall-utenti.

Huwa previst li l-kontenut minimu ta' informazzjoni komuni disponibbli jkun jikkonsisti minn suġġetti li jkopru kwistjonijiet regolatorji, amministrattivi u kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw il-mobilità, bħas-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, il-viżi u l-permessi ta' xogħol, l-assigurazzjoni u d-dwana, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Barra minn hekk, tista' tingħata wkoll informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' taħriġ.

Jenħtieġu sħubiji strateġiċi biex tkun garantita l-kwalità tal-informazzjoni f'dawn l-oqsma msemmija hawn fuq. Il-korpi kkonċernati jistgħu jinkludu fost oħrajn l-awtoritajiet tal-UE, dawk nazzjonali u reġjonali, l-istituzzjonijiet kulturali, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, u stabbilimenti tat-taħriġ;

GĦALL-PROMOZZJONI TAL-FUNZJONAMENT L-AKTAR EFFIĊJENTI U EFFETTIV TAS-SERVIZZI TAL-INFORMAZZJONI GĦALL-ARTISTI U L-PROFESSJONISTI TAL-KULTURA, GĦANDU JAPPLIKA DAN LI ĠEJ:

it-tagħlim bejn il-pari u l-opportunitajiet ta' taħriġ għall-fornituri tal-informazzjoni għandhom jittrawmu sabiex jiġi żviluppat fehim tajjeb tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura u biex jiġi żviluppat l-għarfien ta' regolamenti u proċeduri rilevanti nazzjonali u tal-UE. Dan ser jgħin biex jiġi żgurat li l-fornituri tal-informazzjoni jkunu jistgħu jidderieġu lill-utenti lejn informazzjoni dwar ir-regoli u r-regolamenti, il-proċeduri, id-drittijiet u l-obbligi nazzjonali u tal-UE;

in-netwerking bejn il-fornituri tal-informazzjoni huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fornituri fi Stati Membri differenti jkunu jistgħu jidħlu f'kuntatt biex jgħinu lill-artisti u l-professjonisti ta' “pajjiżhom” jiksbu l-informazzjoni li jkunu qed ifittxu dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet fl-Istati Membri ta' “destinazzjoni”. In-netwerking jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-bini ta' kapaċità u tagħlim bejn il-pari. Biex is-sistema taħdem sew, huwa essenzjali li l-fornituri tal-informazzjoni fl-Istati Membri kollha jkunu involuti;

għandha tinġabar data bażika dwar l-użu tas-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità sabiex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi. Kwistjonijiet rikorrenti u strutturali relatati mar-regolamenti u l-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu rapportati lill-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti u lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-mobilità f'terminu itwal;

GĦAL DAN L-GĦAN, IL-KUMMISSJONI HIJA MISTIEDNA:

tistabbilixxi grupp ta' ħidma espert, kif imniżżel fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014, biex tipproponi kontenut u standards ta' kwalità komuni għas-servizzi tal-informazzjoni u parir għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE. Il-grupp ser jidentifika s-suġġetti dettaljati u linji ta' gwida dwar il-kontenut għas-servizzi tal-informazzjoni dwar il-mobilità, inkluża informazzjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ir-rapport ta' Ġunju 2010 tal-grupp ta' ħidma dwar il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-mobilità ta' artisti u professjonisti tal-kultura, inklużi l-linji gwida għas-Servizzi ta' Informazzjoni dwar il-Mobilità, ser jifforma l-bażi tal-konsiderazzjoni fil-ħidma tal-grupp espert;

mingħajr preġudizzju għad-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju pluriennali futur, tesplora appoġġ finanzjarju għas-servizzi ta' informazzjoni mmirati għal artisti u professjonisti tal-kultura li jfittxu li jkunu mobbli meta tiżviluppa l-proposti tagħha għal programmi futuri;

ixxerred informazzjoni dwar il-mobilità permezz ta' pjattaformi (11) tal-UE u talbiet diretti lis-servizzi speċjalizzati tal-Istat Membru jew tas-settur kulturali li jkunu kapaċi jipprovdu informazzjoni komprensiva u preċiża dwar il-mobilità u assistenza lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura;

L-ISTATI MEMBRI HUMA MISTIEDNA:

jadottaw, abbażi ta', fost l-oħrajn, il-proposta tal-grupp ta' ħidma espert imsemmi hawn fuq, kontenut minimu komuni u standards ta' kwalità komuni meta jistabbilixxu jew jiżviluppaw aktar l-informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura u jimlew il-lakuni fis-servizzi ta' informazzjoni nazzjonali eżistenti fejn meħtieġ;

filwaqt li jibnu fuq l-istrutturi u t-tradizzjonijiet nazzjonali, jiżguraw li s-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità jkunu newtrali u kemm jista' jkun kost-effettivi, flessibbli u ffukati fuq l-utent;

jidentifikaw għodod għat-tixrid pubbliku ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura, bl-użu ta' servizzi eżistenti fejn adatt;

jipprovdu l-informazzjoni nazzjonali tagħhom li tkun rilevanti għall-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura fuq sit elettroniku multilingi jekk possibbli. Għandha titħeġġeġ it-traduzzjoni, inkluża waħda awtomatika, sabiex jiġi promoss il-multilingwiżmu, l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment u jiġu ffaċilitati l-proġetti dwar il-mobbiltà;

L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI HUMA MISTIEDNA:

jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib biex iħeġġi n-netwerking bejn is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità fil-livell Ewropew, b'hekk jitjieb il-forniment ta' informazzjoni għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jfittxu li jkunu mobbli fl-UE, billi jibnu fuq sħubiji eżistenti ta' informazzjoni u parir, inklużi dawk mas-settur kulturali, u lil dawn jiżviluppawhom aktar fejn adatt.

jissorveljaw il-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità sabiex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi.


(1)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(3)  ĠU C 143, 10.6.2008, p. 9.

(4)  ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15). Il-Konvenzjoni fiha miżuri li huma rilevanti għall-mobilità u l-iskambju kulturali.

(6)  SEC(2011) 399 finali

(7)  “Information systems to support the mobility of artists and other professionals in the culture field: a feasibility study”, ECOTEC, 2009 – http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc2039_en.htm

(8)  http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc1569_en.htm

(9)  COM(2010) 2020 finali.

(10)  Il-grupp usa' ta' professjonisti tal-kultura jinkludi eż. kuraturi, diretturi u persunal ta' istituzzjonijiet kulturali, tekniċi, ħaddiema li jibnu palk, esperti tal-ICT, speċjalisti tal-komunikazzjoni, eċċ.

(11)  L-Ewropa tiegħek (http://ec.europa.eu/youreurope/); Eures (Il-portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol, http://ec.europa.eu/eures).


15.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada

2011/C 175/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-14 ta' Novembru 2006 dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ (1);

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel (2);

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (3);

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (4);

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2010 dwar id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ (5).

FILWAQT LI JFAKKAR LI:

t-titjib tal-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha – mis-snin bikrin sal-età adulta – għandu rwol fundamentali fil-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (6).

FILWAQT LI JAFFERMA MILL-ĠDID LI:

Filwaqt li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri individwali, il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, flimkien mal-użu effiċjenti ta' programmi tal-UE, tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità billi jiġu appoġġati u kkomplimentati l-miżuri meħudin fil-livell nazzjonali u billi l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi komuni.

U FID-DAWL TA':

Il-konferenza tal-Presidenza dwar Eċċellenza u Ekwità fil-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal li saret f'Budapest fil-21-22 ta' Frar 2011, li enfasizzat il-ħtieġa li d-dimensjonijiet kwantattivi tal-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, jingħaqdu ma' dawk kwalitattivi, u tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal  (7).

JIEĦU NOTA TAL-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada  (8).

JIRRIKONOXXI LI:

1.

Il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal (il-KEBT) (9) ta' kwalità għolja jipprovdu firxa wiesgħa ta' benefiċċji fuq medda qasira ta’ żmien u fit-tul, kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà ġenerali. Waqt li jikkomplementaw ir-rwol ċentrali tal-familja, il-KEBT jagħtu l-aqwa pedament għal kisba lingwistika, suċċess fit-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni soċjali, l-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà. Jekk tingħata bażi soda fis-snin formattivi tat-tfal, it-tagħlim li jiġi wara jkun wieħed aktar effettiv u li x'aktarx ikompli tul il-ħajja, b'mod li tiżdied l-ekwità tar-riżultati fl-edukazzjoni u jitnaqqsu l-kosti għas-soċjetà fir-rigward ta' talent moħli u ta' nefqa pubblika fis-sistemi soċjali, tas-saħħa u saħansitra dawk tal-ġustizzja.

2.

Il-KEBT ta' kwalità għolja huma ta' benefiċċju għat-tfal kollha, iżda partikolarment għal dawk bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, migranti jew bi sfond tar-Rom, jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, inklużi d-diżabbiltajiet. Filwaqt li jgħinu biex tispiċċa d-diskrepanza fil-kisbiet u jappoġġaw l-iżvilupp konoxxittiv, lingwistiku, soċjali u emozzjonali, huma jistgħu wkoll iwaqqfu ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ u tat-telf ta' interess li spiss iwasslu għal tluq qabel iż-żmien mill-iskola u għat-trasferiment tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra.

3.

F'dan ir-rigward, l-għoti ta’ aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-KEBT ta’ kwalità għolja jista’ jkun ta' kontribut b’saħħtu għas-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020, u b’mod partikolari biex jinkisbu tnejn mill-miri ewlenin tal-UE: it-tnaqqis fit-tluq mill-iskola qabel iż-żmien għal inqas minn 10 %, u biex mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu minn sitwazzjoni ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali.

4.

Barra minn hekk, peress li l-KEBT jagħtu opportunità li jiġu osservati, fi stadju bikri, diffikultajiet fit-taħglim, li jsir intervent bikri, huma jistgħu jgħinu fl-identifikazzjoni ta' tfal żgħar bi ħtiġijiet edukattivi speċjali, u fejn possibbli, biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-iskejjel ġenerali.

5.

Filwaqt li fl-aħħar snin l-Istati Membri kisbu progress tajjeb ġenerali fir-rigward tat-titjib tad-disponibbiltà tal-KEBT, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex jintlaħaq l-għan tar-rata ta' parteċipazzjoni ta' 95 % sal-2020 li ġiet maqbula skont il-qafas strateġiku “ET2020” (10), u b’ mod partikolari biex jiġi żgurat aċċess akbar għal tfal bi sfondi żvantaġġati.

6.

L-għoti tal-KEBT ta’ kwalità għolja huwa importanti daqs l-iżgurar tad-disponibbiltà u l-affordabbiltà tagħha, u jeħtieġ li tingħata attenzjoni għal kwistjonijiet bħall-ambjent u l-infrastruttura, il-persunal, il-kurrikulu, il-governanza u l-assigurazzjoni tal-kwalità.

7.

Huwa meħtieġ approċċ sistemiku u aktar integrat għas-servizzi tal-KEBT fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali li jinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha – li jinkludi l-familji – flimkien mal-kollaborazzjoni transsettorjali mill-qrib bejn setturi differenti tal-politika, bħalma huma l-edukazzjoni, il-kultura, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi, is-saħħa u l-ġustizzja.

8.

Li nżidu l-proporzjon tal-irġiel fil-KEBT huwa importanti sabiex inbiddlu l-attitudnijiet u nuru li mhux biss in-nisa jistgħu jipprovdu l-edukazzjoni u l-kura. Li jkollna mudelli ewlenin taż-żewġ sessi huwa pożittiv għat-tfal u jista’ jgħin biex jitkissru l-perċezzjonijiet ibbażati fuq l-isterjotipi tas-sessi. Post tax-xogħol kompost miż-żewġ sessi jikkontribwixxi għat-twessigħ tal-esperjenzi tat-tfal u jista’ wkoll jgħin biex titnaqqas is-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol.

9.

Il-KEBT għandhom tendenza li jirċievu inqas attenzjoni minn kwalunke livell ta' edukazzjoni u taħriġ ieħor minkejja l-evidenza li l-investiment effiċjenti fis-snin bikrija tal-edukazzjoni ta' kwalità huwa ħafna aktar effettiv mill-intervent aktar tard u jagħti rendiment konsiderevoli matul iċ-ċiklu tal- ħajja, b'mod partikolari għal min hu żvantaġġat.

10.

Relattivament, ftit li xejn saret, jew inġabret, riċerka dwar l-edukazzjoni ta' tfal żgħar, fil-livell tal-UE, li tista’ tikkontribbwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika dwar il-KEBT fl-Istati Membri. Jeħtieġ li r-riċerka eżistenti ssir aktar aċċessibbli b’mod wiesa’, u li din tiġi ssuplimentata b'aktar riċerka estensiva dwar l-għoti tal-KEBT u l-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha, b’kont meħud tad-diversità kulturali u li tirregistra eżempji ta' prattika tajba u esperjenza.

JAQBEL LI:

Miżuri biex tintlaħaq l-isfida doppja li jingħata aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal waqt li togħla l-kwalità tal-għoti, jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

1.

L-għoti ta' aċċess ekwitabbli għal KEBT inklużivi ta' kwalità għolja, b'mod partikolari għal tfal bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat, migranti jew bi sfond tar-Roma, jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, inklużi d-diżabbiltajiet.

2.

It-tfassil ta' mudelli ta' finanzjament effiċjenti, inkluż finanzjament immirat, li jsibu l-bilanċ ġust bejn l-investiment pubbliku u dak privat skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali u dawk lokali.

3.

Il-promozzjoni ta' approċċi transsettorjali u integrati għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-tfal kollha – konoxxittivi, emozzjonali, psikoloġiċi u fiżiċi – b'mod olistiku, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-dar u l-KEBT u transizzjoni mingħajr xkiel bejn il-livelli different ta' edukazzjoni.

4.

L-appoġġ tal-professjonalizzazzjoni tal-persunal tal-KEBT, b'enfasi fuq l-iżvilupp tal-kompetenzi, il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u t-tisħiħ tal-prestiġju tal-professjoni. Barra minn hekk, il-linji ta' politika li qed jiżviluppaw huma mmirati biex jattiraw, iħarrġu u jżommu persunal kwalifikat fil-KEBT u jtejbu l-bilanċ bejn is-sessi.

5.

Il-promozzjoni ta' programmi u kurrikuli adatti skont l-iżvilupp, li trawwem il-kisba kemm ta' ħiliet konoxxittivi kif ukoll ta' oħrajn mhux konoxxittivi, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tal-logħob, li huwa wkoll kruċjali għat-tagħlim fis-snin bikrin.

6.

L-appoġġ lill-ġenituri fir-rwol tagħhom ta' edukaturi ewlenin tat-tfal tagħhom matul is-snin bikrin, u l-inkoraġġiment biex is-servizzi tal-KEBT jaħdmu bi sħubija mill-qrib mal-ġenituri, familji u komunitajiet, sabiex jiżdied l-għarfien tal-opportunitajiet offruti mill-KEBT u tal-importanza tat-tagħlim minn età bikrija.

7.

Il-promozzjoni tal-assigurazzjoni ta' kwalita’ bil-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha ewlenin, inkluż il-familji.

8.

Il-promozzjoni tar-riċerka Ewropea u l-ġbir tad-data dwar il-KEBT, fejn adatt b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika u l-għoti tal-programm fil-KEBT.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

Janalizzaw u jevalwaw is-servizzi tal-KEBT eżistenti fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali f'termini tad-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-kwalità tagħhom, kif deskritt fil-qosor f'dawn il-konklużjonijiet.

2.

Jiżguraw li l-miżuri mmirati lejn l-għoti ta' aċċess ekwitabbli ġeneralizzat għall-KEBT u lejn it-tisħiħ tal-kwalità tagħhom ikunu fis-seħħ.

3.

Jinvestu b'mod effiċjenti fil-KEBT bħala miżura li ttejjeb it-tkabbir fuq perijodu fit-tul.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

1.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-iskambju ta' linji ta' politika u prattiki tajba permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

2.

Twessa’ l-bażi tal-evidenza fil-qasam tal-KEBT, billi tibni fuq u tissupplimenta r-riċerka internazzjonali bir-riċerka fl-UE kollha u billi tagħmel ir-riżultati ta' riċerka bħal din aktar faċilment disponibbli.

3.

Fil-qafas strateġiku “ET2020”, twettaq monitoraġġ u rappurtar dwar il-progress lejn il-mira ta' ta' riferiment tal-“ET2020” għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, u lejn il-ksib tal-għanijiet stabbiliti f'dawn il-konklużjonijiet ta' aċċess usa’ u kwalità aħjar.

U JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

1.

Jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni ta' politika permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni mas-setturi rilevanti (bħall-edukazzjoni, il-kultura, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi, is-saħħa u l-ġustizzja) u jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha, bil-ħsieb li jipproduċu għodda ta' referenza fil-livell Ewropew li jkunu ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' politika fil-qasam tal-KEBT fil-livell lokali, reġjonali u dak nazzjonali adatt.

2.

Mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju futur, jagħmlu użu effiċjenti mill-istrumenti rilevanti tal-UE kollha fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja u r-riċerka, kif ukoll il-fondi strutturali Ewropej f'konformità mal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, sabiex jippromwovu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.


(1)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 3.

(2)  ĠU C 319, 13.12.2008, p. 20.

(3)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(4)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

(5)  ĠU C 135, 26.5.2010, p. 2.

(6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2010 – id-dok. EUCO 7/1/10 REV1.

(7)  Id-dok. 7226/11- COM(2011) 60 finali.

(8)  Id-dok. 6264/11 - COM(2011) 66 finali.

(9)  Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet, it-terminu kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal jirreferi għal kwalunkwe arranġament li jipprovdi edukazzjoni u kura lil tfal mit-twelid sal-età obbligatorja tal-iskola - irrispettivament mill-ambjent, finanzjament, ħinijiet tal-ftuħ, jew il-kontenut tal-programm - u jinkludi dispożizzjonijiet ta' qabel l-iskola u ta' qabel il-primarja. (Sors: OECD Starting Strong I (2006), p. 7.)

(10)  Ara Anness I għall-konklużjonijiet (ĠU C 119, 28.5.2009, p.7): Sal-2020, mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-4 snin u l-età obbligatorja biex wieħed jibda l-edukazzjoni primarja obbligatorja għandhom jipparteċipaw f'edukazzjoni bikrija.

Fl-2008 r-rata medja Ewropea ta' parteċipazzjoni kienet ta' 92,3 %.