ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.107.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 107

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
6 ta' April 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-469 sessjoni plenarja fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011

2011/C 107/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-469 sessjoni plenarja fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011

2011/C 107/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħCOM(2010) 367 finali

7

2011/C 107/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni BankarjaCOM(2010) 254 finali

16

2011/C 107/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew – ir-Regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbliCOM(2010) 301 finali

21

2011/C 107/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għat-tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltàCOM(2010) 607 finali – 2010/0301 (COD)

26

2011/C 107/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)COM(2010) 537 finali – 2010/0266 (COD) u dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewaCOM(2010) 539 finali – 2010/0267 (COD)

30

2011/C 107/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UnjoniCOM(2010) 498 finali

33

2011/C 107/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija – Pjan direzzjonali għall-2050 (opinjoni esploratorja)

37

2011/C 107/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)COM(2010) 308 finali

44

2011/C 107/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UECOM(2010) 311 finali

49

2011/C 107/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radjuCOM(2010) 471 finali – 2010/0252 (COD) u dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalmentCOM(2010) 472 finali

53

2011/C 107/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)COM(2010) 521 finali

58

2011/C 107/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima IntegrataCOM(2010) 494 finali – 2010/0257(COD)

64

2011/C 107/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament (UE) […/….] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzij[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] COM(2010) 611 finali – 2010/0303 (COD)

68

2011/C 107/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrevoka ċerti atti tal-Kunsill li m’għadhomx jgħoddu fil-qasam tal-Politika Agrikola KomuniCOM(2010)764 finali – 2010/0368(COD)

72

2011/C 107/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (Riformulazzjoni) COM(2010) 784 finali – 2010/0387 (CNS)

73

2011/C 107/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (Kodifikazzjoni) COM(2010) 717 finali – 2010/0348 (COD)

74

2011/C 107/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mezzi tal-ibbrejkjar ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija (Kodifikazzjoni) COM(2010) 729 finali – 2010/0349 (COD)

75

2011/C 107/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispazju għall-manuvrar, l-aċċess għall-pożizzjoni tas-sewqan u l-bibien u t-twieqi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija (Kodifikazzjoni) COM(2010) 746 finali – 2010/0358 (COD)

76

2011/C 107/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegiCOM(2011) 6 finali – 2011/0271 (CNS)

77

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-469 sessjoni plenarja fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011

6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 107/01

Relatur: is-Sur ZBOŘIL

Korelatur: is-Sur GIBELLIERI

Nhar it-15 ta' Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-aċċess għall-materja prima sekondarja (ruttam tal-ħadid, karti riċiklati, eċċ.).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Jannar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 88 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat japprezza ħafna l-analiżi tal-assoċjazzjonijiet industrijali individwali li jispjegaw is-sitwazzjoni attwali u x-xenarji futuri li x’aktarx iseħħu u li jistgħu jwasslu għal żbilanċi serji fil-provvista u d-domanda fis-suq tal-materja prima sekondarja.

1.2   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-disponibbiltà tal-materja prima hija meqjusa u trattata bħala kwistjoni strateġika f’xi pajjiżi (l-Istati Uniti, iċ-Ċina). Naturalment, il-materja prima sekondarja mhijiex eskluża minn skema simili aktar stretta f’dawn il-pajjiżi. Għalhekk il-KESE jilqa’ l-fatt li l-effiċjenza tal-materjali saret prijorità ewlenija tad-DĠ Ambjent.

1.3   Jeżistu differenzi konsiderevoli fl-aċċess għall-materja prima partikolari bejn industrija u oħra, kif hemm ukoll fil-flussi tal-materjali stess skont in-natura tagħhom u l-użi tradizzjonali tal-materja prima meħtieġa. F’ċertu każijiet, bħall-industriji tal-ħġieġ u tal-azzar, l-għan li l-materjal jintuża b’effiċjenza jista’ jintlaħaq sempliċiment billi jiġu rfinuti u bbilanċjati s-sistemi u l-proċessi ta' produzzjoni eżistenti bil-għajnuna ta' inċentivi definiti sew. Il-KESE jwissi li m’għandhomx jiġu kompromessi la l-għadd u lanqas il-kwalità tal-impjiegi fl-industriji tar-riċiklaġġ u l-ipproċessar minħabba dawn l-inċentivi.

1.4   Hemm volumi kbar ta' materja prima sekondarja miġbura li bħalissa qed jiġu esportati minkejja li hemm għatx kbir għalihom fl-industriji bażiċi u tal-ipproċessar Ewropej. Din it-tendenza tpoġġi serjament fil-periklu l-impjiegi fl-industriji kollha tal-ipproċessar.

1.5   Il-pressjoni li ġejja mill-volumi eċċessivi ta' skart miġbur mis-sistemi maħsuba għall-ġbir li jeżistu diġà ta' sikwit titħaffef billi sempliċiment dawn il-kategoriji ta' skart jinbiegħu kif ikunu, mingħajr l-ebda pproċessar addizzjonali u mingħajr ma jiġi assigurat li l-użu finali se jsir fl-UE.

1.6   Sfortunatament, ta' spiss jintużaw prattiki kummerċjali illegali biex jiġi evitat il-kontroll dirett tal-flussi ta' materja prima sekondarja importanti. Pereżempju, l-iskart fid-dwana jiġi ddikjarat b’mod falz bħala merkanzija użata (second-hand) biex jiġi evitat ir-Regolament dwar Vjeġġi ta' Skart għal flussi speċifiċi ta' materja prima sekondarja.

1.7   B’dan il-mod, il-flussi tal-iskart miġbur f’isem dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE ma jiggarantixxux il-benefiċċji mixtieqa, anzi jnaqqsu l-kompetittività tal-industriji rispettivi billi jrażżnu l-provvista tal-materja prima sekondarja u/jew jagħmluha aktar għalja bla bżonn.

1.8   Fl-istess ħin, huwa ċar li għadd kbir ta' regolamenti speċifiċi li jirregolaw ir-riċiklaġġ ma ngħatawx qafas koerenti. Hemm tendenza li dawn jiffukaw fuq aspetti individwali u iżolati tal-ġbir u r-riċiklaġġ u ma jqisux il-forzi tas-suq fis-sistemi u l-proċessi.

1.9   Ir-regolament REACH ukoll qiegħed jikkawża l-problemi f’ċerti industriji tar-riċiklaġġ għax m’hemmx distinzjoni ċara bejn l-oġġetti li jkunu waslu fi tmiem ħajjithom (l-iskart) u l-oġġetti użati. Għalhekk, sfortunatament dan il-kunċett ma laħaqx l-għan tiegħu minkejja li kellu intenzjonijiet tajbin. Ċerti industriji li ġew affettwati, bħal dik tal-karti, sabu mod kif jegħlbu l-ostakli filwaqt li oħrajn għadhom qed ifittxu soluzzjonijiet li jistgħu jaħdmu bihom. Dan huwa eżempju serju ta' nuqqas ta' koerenza fil-qafas legali li dwaru l-industrija kienet wissiet minn qabel!

1.10   Il-kunflitt bejn il-forzi tas-suq u l-qafas regolatorju eżistenti għandu jiġi analizzat bir-reqqa biex jinkisbu riżultati bbilanċjati aħjar. Suġġeriment wieħed jista’ jkun li jiġu applikati dazji fuq l-esportazzjoni biex jipproteġu kontra r-riskju li jintilfu materjali ta' valur. Bla dubju, dawn il-miżuri jkollhom jirrispettaw ir-regoli tad-WTO. Possibbilment l-UE għandha tinnegozja termini ta' emerġenza mad-WTO, bit-twaqqif ta' kundizzjonijiet ċari u trasparenti rigward ir-restrizzjonijiet/dazji fuq l-esportazzjoni għall-iskart ta' importanza strateġika.

1.11   Alternattiva oħra tista’ tkun li jintlaħaq qbil dwar miri flessibbli tar-riċiklaġġ li jiddependu mill-iżviluppi tas-suq ta' dak iż-żmien, jiġifieri matul perjodi ta' tnaqqis fl-attività ekonomika (tnaqqis fid-domanda), il-miri tar-riċiklaġġ jistgħu jitnaqqsu, filwaqt li f’fażijiet intensi ta' domanda għolja, dawn jogħlew. Fl-istess waqt, għandha ssir riflessjoni dwar modi intelliġenti kif jiġi żgurat li jinżammu livelli kritiċi ta' impjiegi matul iċ-ċiklu kummerċjali fil-katina kollha tal-valur fis-setturi rilevanti, bħal dawk tal-iskart tal-imballaġġ, tal-karti, eċċ.

1.12   Alternattiva oħra tista’ tkun li jiġu stabbiliti miri/kwoti għar-riċiklaġġ li jkunu ekwivalenti biss għall-volumi ta' skart li jista’ jerġa’ jintuża fl-UE, u ma jiġix inkluż l-iskart mibjugħ barra mill-UE li ma jkunx jista’ jintuża fil-faċilitajiet tal-UE. Madanakollu, miżura bħal din titlob li jerġgħu jiġu stabbiliti l-miri/kwoti biex ikunu jaqblu mal-veri kapaċitajiet ta' riċiklaġġ tal-UE.

1.13   Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-appell li l-industrija qed tagħmel lill-UE biex tiżviluppa politika komprensiva u konsistenti dwar l-aċċess sostenibbli fit-tul għall-materja prima u l-użu tar-riżorsi. Din il-politika għandha tappoġġja l-industrija Ewropea fl-isforzi tagħha biex tuża r-riżorsi minn nieqa sa nieqa. Ir-riċiklaġġ għandu jingħata appoġġ billi tittejjeb l-infrastruttura tal-ġbir, jinħolqu ċertezza legali u kundizzjonijiet ugwali, kif ukoll billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dan ir-rekwiżit essenzjali jeħtieġ bilanċ u konsistenza tajbin mal-firxa kollha tar-regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet.

1.14   Ir-regolamenti tal-UE dwar l-iskart jistabbilixxu obbligi legali għall-partijiet kollha fil-flussi tal-iskart, u din ir-responsabbiltà għandha tiġi ċċekkjata b’mod strett u mitluba mill-awtoritajiet rispettivi. L-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom huma prerekwiżiti importanti fil-ġlieda kontra kull prattika illegali minn xi partijiet mingħajr skrupli, l-aktar fil-kummerċ internazzjonali.

1.15   L-elementi individwali kollha tal-politika tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCP) għandhom iqisu l-benefiċċji ambjentali tal-materja prima sekondarja, u l-inkonsistenzi għandhom jiġu evitati: pereżempju, l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ma tirriflettix l-iffrankar tal-enerġija u tal-karbonju li jseħħ minħabba l-użu tal-materja prima rekuperabbli f’setturi industrijali u tal-bini oħra, u tpoġġi piżijiet mhux meħtieġa fuq dawn is-setturi permezz ta' spejjeż żejda.

1.16   Fl-aħħar, il-ġestjoni ta' qafas kumpless bħal dan għandha ssir fl-isfond ta' djalogu soċjali serju kontinwu biex jitħeġġu impjiegi ġodda u ta' kwalità li jimxu id f’id mal-katini tal-valur rilevanti.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-aċċess sostenibbli għall-materja prima u l-użu sostenibbli tagħha huma elementi ċentrali fil-politika ta' sostenibbiltà tal-UE. Huma jiffurmaw il-bażi għall-kompetittività preżenti u futura tal-industriji tal-manifattura tal-UE (1). Il-katini tal-provvista tal-materja prima - kemm primarja kif ukoll sekondarja - huma setturi ekonomiċi ġenwini li jipprovdu l-impjiegi u joħolqu l-ġid fl-Ewropa. Ir-riċiklaġġ huwa attività ekonomika li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-PDG tal-UE. Il-ġbir ta' materjali u prodotti użati jinvolvi ċ-ċittadini, il-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi li investew f’sistemi effiċjenti biex ilaħħqu mad-domanda li qed tikber għas-sostenibbiltà fit-tul.

2.2   Il-komplementaritajiet bejn il-materja prima primarja u sekondarja jeħtieġu li jiġu rikonoxxuti: filwaqt li l-materja sekondarja hija mod ekoloġikament effiċjenti kif jerġgħu jiddaħħlu r-riżorsi ta' valur fl-ekonomija, ġeneralment (għadha) mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda li qed tikber għall-materjali (karti, metall u minerali). It-tnejn huma bżonnjużi u jikkomplementaw lil xulxin. It-titjib fis-sistemi tal-ġbir u l-użu tal-materja prima sekondarja fl-UE ser jagħtu kontribut biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.3   L-industrija tappella lill-UE biex tiżviluppa politika komprensiva u konsistenti dwar l-aċċess sostenibbli fit-tul għall-materja prima u l-użu tar-riżorsi. Din il-politika għandha tappoġġja l-industrija Ewropea fl-isforzi tagħha biex tuża r-riżorsi minn nieqa sa nieqa. L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima, l-Istrateġija tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, l-Istrateġija tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissarju Potočnik “Ewropa b’użu effiċjenti ta' riżorsi” huma kollha inizjattivi marbutin ma' xulxin li għandhom ikunu konsistenti u integrati. Inizjattivi oħra bħall-komunikazzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart jew politiki oħra marbutin mar-riċiklaġġ u r-riżorsi għandhom jitqiesu wkoll.

3.   L-identifikazzjoni tal-flussi ewlenin tal-materjali tal-materja prima sekondarja  (2)

3.1   Jeżistu prodotti tradizzjonali għar-riċiklaġġ bħall-iskart ferruż u mhux ferruż, l-iskart tal-karti u tal-kartun, kif ukoll tal-ħġieġ, li għandhom storja u tradizzjoni twila ta' riċiklaġġ f’ċiklu li tista’ tgħid huwa magħluq. Dawn l-industriji partikolari ma jistgħux jibqgħu ħajjin mingħajr provvista konsistenti ta' materjali rkuprati u oġġetti użati. Xi oħrajn, bħall-plastik, huma relattivament ġodda għar-riċiklaġġ u, meta mqabbla mal-prodotti tradizzjonali, il-proċess tal-użu mill-ġdid tal-materjal hawnhekk mhux bilfors jispiċċa f’ċirku magħluq.

3.2   Il-karatteristiċi tar-riċiklaġġ tal-materjali sekondarji ewlenin jiddeterminaw minn qabel il-flussi tal-materjal partikolari tagħhom u l-elementi tal-katini tal-valur tagħhom.

3.2.1   Ruttam tal-ħadid u l-azzar: B’mod ġenerali, ir-ruttam tal-ħadid u l-azzar jiġi riċiklat billi jinġabar, jiġi sseparat, jitqiegħed f’balal, jitqiegħed f’pakketti, jitqatta’, jiġġeżżeż, jitqatta’ f’biċċiet żgħar u/jew jingħażel skont id-daqs, u fl-aħħar nett jiddewweb fil-fabbriki tal-azzar. Il-fdalijiet ta' metalli ferrużi jinġabru jew separatament jew imħalltin u mbagħad jiġu separati f’postijiet fejn jintrema r-ruttam (scrap yard) u jinbiegħu lill-impjanti tat-trattament tal-fdalijiet jew jintbagħtu direttament lill-fabbriki tal-azzar. Meta l-fdalijiet jaslu fl-impjant tat-trattament tar-ruttam, it-tipi differenti ta' metalli jiġu separati u mħejjija biex jitqattgħu f’biċċiet żgħar jew biex jingħażlu skont id-daqs. It-tqattigħ f’biċċiet żgħar u l-għażla skont id-daqs ta' sikwit huma meħtieġa għal stadju ieħor ta' separazzjoni. Fil-każ tal-istainless steel, biċċiet ikbar jinġabru separatament jew jiġu ssortjati fil-postijiet fejn jintrema’ r-ruttam qabel ma jitqattgħu f’biċċiet żgħar. Partikoli iżgħar ta' stainless steel jiġu separati permezz ta' proċessi ta' separazzjoni f’diversi fażijiet. Fil-fabbriki tal-azzar, ir-ruttam tal-ħadid u tal-azzar normalment jintefa’ direttament fil-forna.

3.2.1.1   L-industrija Ewropea tal-irkupru tal-azzar (fil-fażi tat-trattament) hija pjuttost ikkonċentrata, b’seba’ kumpaniji li jipprovdu 40 % tal-iskart totali tal-azzar li jitwassal lill-fabbriki tal-azzar. Skont l-Uffiċċju Internazzjonali tar-Riċiklaġġ (BIR, Bureau of International Recycling) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Irkupru u r-Riċiklaġġ tal-Materjali Ferrużi (EFR, European Ferrous Recovery & Recycling Federation), hemm madwar 42 000 scrap yard madwar is-27 Stat Membru tal-UE. Is-settur tar-ruttam jikkalkula li fost dawn hemm madwar 250 li jitqiesu bħala kumpaniji kbar, 9 000 huma kumpaniji medji jew kbar li jipproċessaw aktar minn 120 000 tunellata kull sena, u l-bqija, madwar 36 000 kumpanija, huma żgħar jew ta' daqs medju.

3.2.1.2   Is-sistema tal-ġbir tista’ tvarja skont it-tip tal-prodott u l-pajjiż. Prodotti ta' daqs kbir li jkunu waslu fi tmiem żmienhom u dawk li jsiru fi kwantitajiet kbar, bħal dawk mill-bini u t-twaqqigħ, normalment jiġu ttrasportati direttament lejn l-iscrap yards jew lejn impjanti tat-trattament tar-ruttam. Kemm id-Direttiva dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw kif ukoll id-Direttiva dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) jitfgħu r-responsabbiltà tal-irkupru, u għaldaqstant tal-ġbir tar-ruttam, fuq il-produtturi. Prodotti żgħar bħall-materjali tal-imballaġġ jinġabru mill-awtoritajiet lokali, li jfisser li f’dan il-każ il-ġbir mhuwiex f’idejn l-industrija tar-ruttam tal-metall, għalkemm l-industrija tieħu xi inizjattivi fil-każ tal-kontenituri użati tax-xorb, eż. ċentri għall-ġbir, stazzjonijiet tar-ruttam fejn il-laned tal-azzar u tal-aluminju jiġu separati u imballati għat-trasport lejn l-impjanti tat-trattament jew ir-raffineriji.

3.2.1.3   Ir-ruttam huwa wieħed mill-ftit materji primi sekondarji li minnu l-Ewropa tista’ tistenna disponibbiltà kontinwa u saħansitra xi ftit żejjed; il-kummerċ fi ħdan l-UE, kif ukoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħra ilhom stabbiliti għexieren ta' snin. Fi ħdan l-UE, huwa diffiċli li tikkalkula l-kwantità totali ta' ruttam li jinġarr bil-baħar. L-istima tal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għall-2008 hija ta' 5,3 miljun tunnellata fis-sena u 12,9 miljun tunnellata fis-sena rispettivament, filwaqt li l-konsum totali tar-ruttam laħaq il-112-il miljun tunnellata fis-sena fl-istess sena.

3.2.2   Ruttam mhux ferruż u flussi oħra ta' skart li jkun fihom dawn il-metalli: Meta nqabblu din il-kategorija tal-mhux ferruż mal-ħadid u l-azzar, hemm varjazzjonijiet ħafna ikbar: (a) fil-metalli involuti, (b) fir-riżorsi disponibbli u (c) fil-metodi li jridu jintużaw għas-separazzjoni u l-estrazzjoni ta' metalli partikolari mill-flussi tal-iskart. L-aktar metalli importanti u li għandhom l-ikbar volum huma l-aluminju, iż-żingu, iċ-ċomb u r-ram; hemm ukoll metalli bħal-landa u l-metall prezzjuż fil-flussi tal-iskart li jistgħu jiġu estratti bil-metodi adatti.

3.2.2.1   Is-sistemi tal-ġbir huma jew l-istess jew simili għal dawk użati għar-ruttam ferruż. Biex jinkiseb ruttam tal-ħadid irkuprat ta' kwalità tajba minn prodotti fi tmiem l-użu tagħhom (Direttivi dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw u l-WEEE) jintużaw teknoloġiji sofistikati. B’kuntrast ma' dan, il-metalli bażiċi mhux ferrużi jiġu “mfittxija” fil-flussi tal-iskart b’rata ta' rkupru għolja ħafna u r-rati tal-użu tagħhom ukoll huma għoljin ħafna.

3.2.2.2   L-irmied u l-gagazza wkoll huma importanti għall-irkupru ta' metalli mhux ferrużi li jeħtieġu teknoloġiji speċjali. Fir-residwi tal-minjieri l-antiki fiż-żoni tal-UE fejn kien isir it-tħaffir għall-minerali hemm riżorsi tal-metalli mhux ferrużi li ħafna minnhom għadhom ma ntużawx. Għalkemm dan l-iskart mill-minjieri (3) huwa eżentat mil-leġislazzjoni ġenerali tal-UE dwar l-iskart, għandha tingħata attenzjoni lil din il-materja prima wkoll jekk dan ikun ekonomikament fattibbli.

3.2.3   Karta riċiklata: L-industrija tal-karti hija settur li minn dejjem kien ibbażat fuq ir-riżorsi rinnovabbli u r-riċiklaġġ; fil-fatt l-ewwel materja prima użata biex isiru l-karti kienet ċraret miġbura. Ir-riċiklaġġ tal-karti kien relattivament faċli s’issa u l-użu li jagħmel mill-materjali kien wieħed predominanti. Hemm żewġ tipi ta' riżorsi ewlenin tipiċi (bħal fil-każ tal-metalli ferrużi) - karta industrijali rkuprata (l-industriji tal-imballaġġ u tal-istampar, fost oħrajn) u l-iskart (muniċipali) wara l-konsum. Il-karti separati huma ppreferuti, għalhekk l-iskart muniċipali jeħtieġ s-separazzjoni tal-karti użati u operazzjonijiet bażiċi tas-separazzjoni.

3.2.3.1   Il-flussi tal-materjali ġew affettwati serjament mir-riċessjoni riċenti; l-użu tal-karta rkuprata niżel b’7,6 % għal 44,9 miljun tunnellata fl-2009. Għall-ewwel darba l-ġbir niżel bi 3,6 % għal 56,6 % miljun tunnellata, filwaqt li l-konsum tal-karta naqas b’10,1 % fl-istess perjodu. L-esportazzjonijiet tal-karta rkuprata lejn pajjiżi barra mill-UE, in-Norveġja u l-Isvizzera komplew jogħlew, u laħqu t-12,8 miljun tunnellata, b’96,3 % ta' dan jintbagħat lejn is-swieq Asjatiċi. Fl-Asja, il-maġġoranza tal-materjal mar lejn iċ-Ċina (71,4 % tal-esportazzjonijiet Ewropej). B’riżultat tal-iżviluppi osservati matul din is-sena ta' eċċezzjoni, ir-rata tar-riċiklaġġ żdiedet għal livell rekord ta' 72,2 % fl-2009 wara li kienet laħqet is-66,7 % s-sena ta' qabel. Meta l-ekonomija tirkupra, tista’ sseħħ bidla temporanja fid-direzzjoni opposta għax ir-riċiklaġġ jista’ ma jkunx kapaċi jlaħħaq immedjatament mal-konsum tal-karta li jkun qed jerġa’ jaqbad ir-ritmu. Minħabba l-iżviluppi riċenti fl-istruttura tal-industrija, il-karta rkuprata tirrappreżenta 44,2 % u l-polpa mill-injam (wood pulp) 40,4 % tal-fibra użata fl-għamla tal-karti fil-pajjiżi CEPI.

3.2.4   Ħġieġ: Il-ħġieġ jista’ jiġi riċiklat 100 % ripetutament mingħajr l-ebda telf fil-kwalità biex jiġi prodott kontenitur tal-ħġieġ ieħor. Il-ħġieġ miġbur jintuża biex isir ħġieġ ġdid tal-istess kwalità. Minħabba f’hekk il-ħġieġ huwa tassew materjal tar-riċiklaġġ minn “nieqa sa nieqa”. Sa 99 % tal-iskart tal-ħġieġ jista’ jintuża biex jiġu manifatturati kontenituri ġodda tal-ħġieġ; l-uniku limitu veru għall-użu tal-iskart tal-ħġieġ huwa l-ammont ta' ħġieġ irkuprat u d-disponibbiltà tal-ħġieġ mormi fl-Ewropa.

3.2.4.1   Is-sistema tal-irkupru tal-ħġieġ hija pjuttost sempliċi - il-maġġoranza tal-ħġieġ irkuprat jiġi mill-iskart tal-imballaġġ (kontenituri tal-ħġieġ użati) u ammont żgħir jiġi rkuprat mill-iskart tal-bini (ħġieġ ċatt). Ir-rata medja tal-ġbir għar-riċiklaġġ ta' ħġieġ tal-kontenituri tilħaq il-65 % għas-27 pajjiż tal-UE; fl-2008 nġabar kważi 11,5 miljun tunnellata ta' imballaġġ tal-ħġieġ minn madwar l-Ewropa kollha (inklużi n-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija).

3.2.4.2   L-isfida għar-riċiklaġġ tal-ħġieġ hija li jiġu rriċiklati s-7 miljun tunnellata ta' ħġieġ l-oħra, li tqiegħdu fis-suq fl-2008 iżda ma ġewx riċiklati. Huwa importanti immens li r-riċiklaġġ jittejjeb u li jingħata appoġġ lis-sistemi ta' riċiklaġġ adatti fl-Unjoni Ewropea.

3.2.4.3   Is-sistemi tal-ġbir u tal-irkupru tal-ħġieġ ċatt u tal-ħġieġ minn vetturi li waslu fl-aħħar ta' żmienhom (ELVs) għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed, għalhekk din ir-riżorsa siewja għadha pjuttost piż ambjentali.

3.2.5   L-iskart tal-plastik jammonta għal madwar 25 % tal-iskart solidu kollu akkumulat fil-miżbliet. Minħabba r-reżistenza tal-materjal tal-plastik għad-degradazzjoni, il-proċess ta' dekompożizzjoni jieħu żmien twil wara li jkun intrema fil-miżbliet. Il-ħruq tal-plastik għall-irkupru tal-enerġija għandu jiġi kkontrollat f’faċilitajiet adatti minħabba l-livell għoli ta' emissjonijiet perikolużi.

3.2.5.1   Is-setturi ewlenin li jikkonsmaw il-plastik, u li huma wkoll is-sorsi ewlenin tal-iskart tal-plastik, huma: l-imballaġġ (38,1 %), il-plastik fid-djar u dak domestiku (22,3 %), u l-bini u l-kostruzzjoni (17,6 %). L-imballaġġ iġġenerat mis-settur tad-distribuzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-iskart tal-plastik li jista’ jinġabar (potenzjalment). Il-ġbir u l-ipproċessar tal-iskart tal-plastik minn skart mid-djar li jkun imħallat jidher li huwa wieħed mill-aktar tipi ta' skart li hu diffiċli li jiġi mmaniġġjat. Il-biċċa l-kbira tal-plastik fil-kostruzzjoni jintuża għal applikazzjonijiet fit-tul.

3.2.5.2   Xi partijiet tal-iskart tal-plastik mhumiex adatti għar-riċiklaġġ, eż. l-imballaġġ tal-ikel jew il-plastik imħallat ma' materjali oħra, minħabba li t-tindif tal-plastik ikkontaminat f’dan il-każ jiswa aktar flus mill-valur tal-prodotti, minħabba l-ammont kbir ta' enerġija kkonsmata. Minkejja dan, jistgħu jintużaw għall-irkupru tal-enerġija.

3.2.5.3   L-UE-27 hija esportatur nett tal-iskart, il-bċejjeċ u r-ruttam tal-plastik. Mill-1999, id-differenza bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet żdiedet b’mod kostanti. Wara żieda ċkejkna bejn l-1999 u l-2002, l-esportazzjonijiet sparaw 'l fuq għal 2.1 Mt bejn l-2002 u l-2006. Mill-1999 sal-2006, l-importazzjonijiet telgħu minn 55 000 għal 256 000 tunnellata.

3.2.5.4   Għall-fibri diskontinwi tal-poliester, il-PET riċiklat jirrappreżenta 70 % tal-materja prima pproċessata fl-UE. Għaldaqstant, id-disponibbiltà tal-fliexken tal-poliester hija kruċjali. Minkejja dan, il-produtturi fl-Ewropa issa qed jiffaċċjaw problemi serji minħabba t-tendenza dejjem tikber tan-negozjanti li jittrasportaw il-PET bil-baħar, jew fil-forma ta' frak (biċċiet minn fliexken imqattgħin f’partijiet żgħar) jew inkella bħala fliexken imballati, lejn il-Lvant Imbiegħed u speċjalment iċ-Ċina. Dan il-pajjiż bħalissa qed ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-iskart tal-PET biex jiffaċilita fluss akbar ta' din il-materja prima sekondarja importanti mill-UE.

4.   Qafas legali għar-riċiklaġġ

4.1   Regolamentazzjoni diretta fl-UE

4.1.1   Ir-riċiklaġġ għandu jingħata appoġġ billi tittejjeb l-infrastruttura tal-ġbir, jinħolqu ċertezza legali u kundizzjonijiet ugwali, kif ukoll billi jitneħħew il-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa. Dan ir-rekwiżit essenzjali jeħtieġ bilanċ u konsistenza tajbin mal-firxa kollha tar-regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet. Minkejja li d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE) qabdet it-triq it-tajba kif mixtieq, għandha titqies bħala l-ewwel fażi li ser teħtieġ monitoraġġ regolari dwar kif qed taħdem fir-realtà u eventwalment li jsirilha titjib.

4.1.2   Leġislazzjonijiet ewlenin oħra huma d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ fl-istat attwali tagħha, id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart u d-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE). Id-direttivi msemmija hawn fuq jistabbilixxu miri ta' riċiklaġġ arbitrarji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq ħieles tal-materja prima sekondarja. Fid-dawl tat-tibdil u l-emendi tista’ tgħid kostanti li jsirulu, dan il-qafas jeħtieġ attenzjoni permanenti għall-effetti tiegħu.

4.2   Regolamentazzjoni indiretta: il-proċessi ta' rkupru u ta' riċiklaġġ huma regolati mhux biss minn firxa wiesgħa ta' leġislazzjoni dwar l-iskart, iżda wkoll minn restrizzjonijiet u kontrolli li ġejjin mil-leġislazzjoni li tirregola setturi speċifiċi tal-industrija jew l-industrija b’mod ġenerali. L-aktar importanti f’dan il-qasam huma l-effetti tar-Regolament REACH (KE 1907/2006) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi u l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima.

4.2.1   Fil-każ tar-REACH, l-iskart mhuwiex soġġett għal dan ir-Regolament, iżda s-sustanza jew it-taħlita rkuprata tista’ ssir soġġetta għar-REACH hekk kif ma tibqax skart. Il-Kummissjoni indirizzat din il-problema u l-gruppi ta' ħidma tekniċi rilevanti ressqu suġġerimenti ftit jew wisq sodisfaċenti biex dan l-ostaklu jingħeleb. Madanakollu, għad fadal l-inċertezzi u hemm studji utli ħafna disponibbli fiċ-Ċentru tal-Kummissjoni JRC-IPTS f’Sevilja, flimkien ma' tagħrif disponibbli mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li jistgħu jgħinu biex jissolvew il-problemi. Minkejja dan, it-theddida relatata mar-reġistrazzjoni mhijiex evitata kompletament, anke f’każijiet fejn ir-reġistrazzjoni ma jista’ jkollha l-ebda benefiċċju.

4.2.2   Il-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima għandha tiffaċilita firxa ta' inċentivi li għandhom iwasslu biex is-soċjetà kollha tibdel b’mod konsistenti u sostenibbli minn sorsi ta' enerġija fossili primarja għal sorsi ta' enerġija alternattivi. Il-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jikkonsisti f’elementi individwali li jingħad li huma integrati, iżda sfortunatament l-integrazzjoni hija aktar fil-kliem milli fil-fatti. Uħud mill-komponenti tiegħu jaffettwaw serjament il-proċessi ta' rkupru u riċiklaġġ: l-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS), li ġiet aġġornata għall-perjodu ta' wara Kjoto, ixxekkel lill-operaturi ta' faċilitajiet tal-produzzjoni bl-approċċ amministrattiv tagħha għall-istabbiliment tal-allokazzjonijiet għall-perjodu 2013-2020. Barra minn hekk, sistema ta' rkant introdotta gradwalment tnixxef ir-riżorsi finanzjarji tal-operaturi li mbagħad ikollhom inqas flus għall-proċessi futuri tat-tnaqqis tal-karbonju. Min-naħa l-oħra, is-sistema tal-UE tal-iskambju tal-kwoti ta' emissjonijiet ma tirriflettix l-iffrankar tal-enerġija u l-karbonju li jirriżulta mill-użu ta' materja prima li tista’ tiġi rkuprata f’setturi oħra tal-industrija u tal-kostruzzjoni.

4.2.3   Hemm ukoll problemi oħra li joħorġu mid-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. Minħabba l-ispinta kbira lejn ir-rinnovabbli u l-appoġġ enormi u żbilanċat li qed jingħataw, hemm riskju serju ta' rilokazzjoni ta' kwantitajiet kbar ta' materja prima sekondarja rkuprata (kull tip ta' bijomassa, karti rkuprati) mill-użu mill-ġdid tal-materjal għall-enerġija - il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana. Dawn ir-riskji kollha għandhom jiġu analizzati sew u jitnaqqsu kemm jista’ jkun sabiex l-aċċess għall-materja prima sekondarja jinżamm u saħansitra jiżdied kull fejn possibbli. Id-definizzjoni ta' “bijomassa” għandha tiġi rrispettata u, jekk ikun meħtieġ, imsaħħa biex jiġi evitat li tintuża ħażin f’isem il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli. F’ċerti każijiet, minħabba s-sussidji li joħolqu distorsjonijiet fis-suq, saħansitra l-materja prima (injam) qiegħda sempliċiment tinħaraq!

4.2.4   Ir-regolamenti tal-UE dwar l-iskart jistabbilixxu obbligi legali għall-partijiet kollha fil-flussi tal-iskart, u din ir-responsabbiltà għandha tiġi ċċekkjata b’mod strett u mitluba mill-awtoritajiet rispettivi. L-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom huma prerekwiżiti importanti fil-ġlieda kontra kull prattika illegali minn xi partijiet mingħajr skrupli, l-aktar fil-kummerċ internazzjonali.

5.   Il-katini tal-valur u l-atturi fil-flussi ewlenin tal-materja prima sekondarja

Huwa ovvju mill-identifikazzjoni fil-Kapitolu 3 li hemm differenzi kbar bejn il-flussi tal-materja prima sekondarja. Uħud minnhom kważi jaħdmu b’mod awtonomu fuq il-bażi naturali ta' sistemi li storikament jiffunzjonaw għall-ġbir, il-pretrattament u t-trattament (inkluża s-separazzjoni) tal-iskart qabel ma l-materjal irkuprat jingħata lil xi faċilità operattiva ewlenija. Hemm diversi karatteristiċi li jistgħu jinġabru flimkien biex jiġu identifikati u evitati r-riskji potenzjali fil-proċessi ta' rkupru u riċiklaġġ.

5.1   Il-valur kummerċjali tal-materja prima sekondarja huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jaffetwaw l-aċċessibbiltà finali tal-materjal. Il-ġbir u l-pretrattament tal-fluss tal-iskart huma fażijiet pjuttost irħas fil-każ ta' flussi ta' skart ikkonċentrat (ħadid, ħġieġ u karti) u l-materja prima sekondarja li toħroġ minn dan tibqa’ pjuttost aċċessibbli bi prezzijiet raġonevoli. Il-kundizzjonijiet tas-suq japplikaw tul iċ-ċiklu magħluq kollu. Min-naħa l-oħra, hemm parti li qiegħda dejjem tikber ta' riċiklaġġ li ma joperax bil-prezz tas-suq għall-materjali, iżda li jopera biex jikkonforma mal-politiki tal-iskart tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-iskart tal-imballaġġ, l-iskart elettroniku u elettriku jew dak bijodegradabbli jiġi pproċessat biex jilħaq il-miri ta' direttivi varji.

5.1.1   Il-produzzjoni tal-materja prima sekondarja minn dawn il-flussi tal-iskart mhijiex ekonomikament sostenibbli fis-suq globali. Il-ġbir, is-separazzjoni u l-ipproċessar tal-iskart iseħħu jew biex jiġu implimentati r-regoli tar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew għax ikun hemm il-fondi pubbliċi diretti. Fiż-żewġ każijiet, huwa ċ-ċittadin Ewropew li jħallas għall-konverżjoni, jew bħala xi ħadd li jħallas it-taxxi jew bħala konsumatur.

5.1.2   L-Ewropa tiġġenera riżerva ta' materja prima sekondarja, li jista’ jkun hemm aċċess għaliha faċilment minn kull attur globali ikun liema żmien ikun, meta d-domanda tas-suq globali għall-materjal qed tikber. Volumi kbar ta' skart miġbur u mhux ipproċessat jiġu esportati, l-aktar lejn l-Asja. Peress li s-suq globali huwa volatili, il-livelli tal-prezzijiet huma volatili wkoll. Meta s-suq globali jkun għaddej minn żmien ta' dipressjoni, jiġġemmgħu mases ta' materja prima sekondarja, peress li l-miri tar-riċiklaġġ ikunu jridu jintlaħqu. Din is-sitwazzjoni toħloq distorsjonijiet tas-suq kritiċi ħafna fl-UE.

5.1.3   Ir-riċiklaturi tal-UE jridu jinvestu ħafna aktar mill-kompetituri Asjatiċi tagħhom meta jkunu qed jibnu l-impjanti ta' riċiklaġġ għax iridu jżommu kemm il-kapaċità żejda tagħhom (overcapacity) kif ukoll l-istandards teknoloġiċi għoljin tagħhom. Imbagħad, meta s-swieq globali tal-materja prima jogħlew, il-kapaċitajiet tagħhom li jiswew il-flus ma jintużawx għax l-iskart miġbur qed jitlaq mill-Ewropa mhux ipproċessat. Għalhekk hemm ħtieġa kritika li jitqabblu l-forzi globali tal-materja prima u l-qafas regolatorju dwar l-iskart biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-industriji tal-UE għall-materja prima sekondarja.

5.1.4   Ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ illegali jew semilegali tal-materja prima sekondarja jistgħu jiġu bbażati fuq it-talba stretta ta' ċertifikati rikonoxxuti internazzjonalment, bħal ċertifikati bbażati fuq l-istandards tal-ISO, mill-imsieħba li jkunu qed jirċievu l-materja prima sekondarja barra l-UE. L-Istati Membri wkoll għandhom jieħdu l-miżuri legali kollha meta jiċċekkjaw l-oriġini legali tal-iskart miġbur kull fejn jista’ jkun hemm problema.

5.1.5   Peress li l-politika dwar il-materja prima hija kwistjoni strateġika ta' sigurtà f’ħafna bnadi tad-dinja, l-appoġġ mill-Komunità flimkien mal-katini tal-valur kollha, partikolarment fir-rigward tal-kwalità għolja tal-materja prima sekondarja (“premium quality”) jistgħu jsolvu ħafna mill-problemi tal-aċċess għall-materja prima sekondarja. Naturalment hemm bżonn li ssir reviżjoni tal-ispeċifikazzjoni Ewropea tal-materja prima sekondarja għad-definizzjoni ta' “premium quality” għall-materja prima sekondarja.

5.2   L-impatt fuq l-ambjent ta' riċiklaġġ raġonevoli jrid ikun ta' benefiċċju għall-maġġoranza tal-industriji li jużaw kwantitajiet/ishma kbar ta' materja prima sekondarja. Anke l-użu ta' teknoloġiji sofistikati għall-ipproċessar għal flussi ta' skart impenjattivi ma jibdilx din l-istqarrija ġenerali. Normalment, il-konsum totali tal-enerġija jonqos, xi kultant anke għal frazzjon tal-konsum standard fil-każ tal-ipproċessar ta' materja prima mill-minjieri jew mill-ħsad. Dan ifisser ukoll inqas emissjonijiet ta' karbonju, speċjalment inqas emissjonijiet gassużi, eċċ. Minħabba l-impuritajiet fil-flussi tal-iskart, hemm skart ġdid li wieħed irid jieħu ħsieb u, f’ċerti każijiet, iridu jintużaw ukoll faċilitajiet tat-trattament tal-ilma maħmuġ li jkunu jaħdmu b’mod effiċjenti. Dawn il-flussi diffiċli ta' skart ifissru spejjeż ogħla għall-pretrattatment u t-trattament li jagħmlu l-proċess jiswa aktar flus.

5.3   Il-kompetizzjoni fl-użu tal-materja prima sekondarja barra l-industrija partikolari tippreżenta riskju kbir għal dawn l-industriji (ara 4.2.3). L-ambjent kompetittiv jiġi distort ħafna minn fondi mmirati biex iservu għan kompletament differenti, u dan jista’ jikkawża distorsjonijiet kbar fis-swieq tal-materja prima. L-industrija tal-karti ma tistax tikkompeti kemm għall-injam tajjeb għall-polpa mill-injam (bħala l-materja prima ewlenija) u l-karta rkuprata (it-tieni materja prima prinċipali) flimkien mal-faċilitajiet għall-elettriku rinnovabbli u l-ġenerazzjoni tas-sħana li jkunu jgawdu minn sussidji għall-enerġija rinnovabbli. Għandhom jittieħdu miżuri protettivi adatti biex jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima bażika. Jekk dawn il-miżuri jfallu, waħda mill-industriji ċentrali tal-UE tiġi mhedda serjament. L-appoġġ għall-produzzjoni ta' materja prima sekondarja tal-iprem kwalità (premium quality) ser iżżid id-domanda għax-xogħol b’impatt soċjali pożittiv f’perjodi ta' kriżi fil-konsum tal-materja prima sekondarja.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-Opinjoni tal-KESE dwar L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 92.

(2)  Il-biċċa l-kbira tad-data nkisbet mill-istudji marbutin mal-iskart taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) (http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/) u minn statistiċi tas-settur.

(3)  L-iskart mill-industriji ta' estrazzjoni huwa s-suġġett tad-Direttiva 2006/21/KE


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-469 sessjoni plenarja fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011

6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”

COM(2010) 367 finali

2011/C 107/02

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar il-30 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ

COM(2010) 367 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Frar 2011

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-17 ta' Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’240 vot favur, 2 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fehmet il-ħtieġa li tipprovdi għal integrazzjoni akbar fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, billi ddaħħal fl-aġenda tagħha stess il-ħtieġa li jiġi implimentat it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni.

1.2   Il-KESE jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika attwali fil-fatt ippreżentat sfidi kbar lis-sistema ekonomika, soċjali u saħansitra dik politika tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, u tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika (UME) b’mod partikolari, filwaqt li wriet il-kapaċità dgħajfa ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan deher biċ-ċar kemm fl-interventi ta' emerġenza biex jiġu limitati l-effetti finanzjarji u reali tal-kriżi, kif ukoll fl-azzjonijiet tat-tfassil mill-ġdid tal-istruttura globali – u taż-żona tal-euro b’mod partikolari – sabiex jiġi evitat li terġa’ tiġri l-istess sitwazzjoni fil-futur qrib. Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li d-dejn pubbliku kbir ta' xi wħud mill-Istati Membri - li parzjalment huwa dovut għas-salvataġġi estiżi tal-banek minn diffikultajiet finanzjarji - jillimita l-investimenti pubbliċi u s-sostenibilità tal-infiq soċjali.

1.3   Il-KESE jħeġġeġ li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea jsir realtà, filwaqt li jkun żgurat li tingħata attenzjoni ugwali lill-ħtiġijiet tal-istabilità u ta' tkabbir li jġib miegħu impjiegi ġodda.

1.4   Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi biex jinħoloq il-qbil mifrux li hu meħtieġ biex tissaħħaħ b’mod effikaċi l-governanza ekonomika, filwaqt li minn naħa jenfasizza xi limiti u riskji inerenti għall-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra l-potenzjal importanti li ġej minnu.

1.5   L-ewwel nett, jeħtieġ li tingħeleb il-fażi attwali ta' staġnar tal-UE, li ġejja mid-diffikultajiet tal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna, u b’hekk huwa diffiċli li jiġu identifikati l-għanijiet komuni fuq livell ekonomiku, soċjali u ambjentali li għandhom ikunu l-bażi tal-governanza ekonomika.

1.6   Fl-istess ħin, ir-regoli għall-futur għandhom ikunu bbażati fuq l-analiżi tal-passat li hemm qbil dwarha, b’mod partikolari fuq x’kienu l-limiti tal-għodod ta' koordinazzjoni diġà eżistenti li wasslu għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (il-Patt) u għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.

1.7   It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma ġew sinkronizzati b’mod effettiv il-proposti bejn l-entitajiet istituzzjonali differenti involuti.

1.8   Il-parteċipazzjoni limitata tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej (il-Parlament u l-Kumitati) kemm fid-diskussjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-governanza l-ġdida tirriskja li t-tisħiħ tar-regoli, li ġej mit-tnaqqis tad-diskrezzjoni politika u l-użu akbar tas-sistemi awtomatiċi previsti, jidher f’għajnejn iċ-ċittadini bħala “nuqqas ta' leġittimità” tal-għażliet tal-Unjoni, u dan flimkien mat-telf ta' fiduċja lejn l-UE li joħroġ mir-riżultati tal-Ewrobarometru.

1.9   Il-KESE jsostni li, l-istabbiliment tal-leġittimità demokratika tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea bilfors irid jgħaddi minn idejn il-Parlament Ewropew. F’dan il-kuntest, il-KESE jawgura li l-Parlament Ewropew jista’ jkollu rwol kruċjali fil-proċess li nbeda b’rabta mas-Semestru Ewropew, kemm fil-fażi ta' kontroll kif ukoll f’dik ta' valutazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi previsti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

1.10   Huwa biss jekk tinżamm il-koerenza bejn l-għanijiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 – li għalihom huma meħtieġa livelli ta' investiment li probabbli jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji – u l-ħtiġijiet tal-istabilità monetarja u finanzjarja msemmija fil-Patt, li jkun possibbli li jintlaqgħu aktar ir-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.

1.11   Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi adottata sensiela adegwata ta' indikaturi li jmorru lil hinn mill-Prodott Domestiku Gross (PDG), adatti biex jinkludu fihom il-kisbiet u t-telf soċjali u ambjentali, u b’hekk jirriflettu l-preokkupazzjonijiet reali taċ-ċittadini, billi jimplimentaw il-ħames azzjonijiet previsti fi ħdan l-inizjattiva “Lil Hinn mill-PDG”. Dawn jirrigwardaw l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali, id-disponibilità ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali u ta' data preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza, it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli, l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

1.12   Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għal tħaddim aħjar tas-Semestru Ewropew, b’sessjoni annwali ddedikata għad-diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew.

1.13   B’mod partikolari, l-attenzjoni dejjem tikber mogħtija lin-negozjati bejn l-imsieħba soċjali, l-aktar fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni, twassal biex ir-relazzjonijiet bejn l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali jsiru parti integrali mill-istrateġija mfassla mill-Kummissjoni. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni kondiviża effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

1.14   It-twettiq ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej jeħtieġ il-kondiviżjoni neċessarja tal-qafas makroekonomiku ta' referenza u dak provviżorju. Għal dan il-għan, il-KESE jawgura li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet sabiex l-Eurostat ikollha bażijiet tal-informazzjoni adegwati b’tali mod li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tfassal proposti provviżorji korretti, u tistabbilixxi appoġġ effettiv bejn il-korpi l-oħra interessati: il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

1.15   Il-KESE jħeġġeġ li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, għall-inqas għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, tkun l-ewwel pass lejn politika ekonomika komuni ġenwina u lejn il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja.

1.16   Jekk il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tinkludix biss il-politika fiskali u monetarja, iżda anke politika tal-pagi iktar stretta fiż-żona tal-euro, l-awtonomija tan-negozjar kollettiv trid tiġi rispettata – mhuwiex aċċettabbli li l-Istati jistabbilixxu l-miri tan-negozjar kollettiv, u inqas u inqas li jiddettaw it-tnaqqis fil-pagi, u dan għandu jiġi rrifjutat.

2.   It-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea  (1)

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta żvilupp ieħor tal-ideat imfassla fil-Komunikazzjoni dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika  (2) u tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew EUCO 13/10, li jsegwu r-riżultati li ntlaħqu s’issa mill-grupp ta' ħidma dwar il-governanza ekonomika (it-Task Force ta' VAN ROMPUY).

2.2   Id-dokument li tfassal mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent impliċitu tal-fatt li l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ġabu magħhom sensiela ta' pressjonijiet fir-rigward tas-sistema ekonomika u soċjali tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari, filwaqt li wrew kapaċità ta' koordinazzjoni dgħajfa tal-politika ekonomika Ewropea.

2.3   F’dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tfassal qafas ta' azzjonijiet li kapaċi jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika Ewropea bejn is-27 Stat Membru tal-UE u b’mod partikolari bejn is-16-il Stat Membru tal-UEM, li għalihom huma previsti standards speċifiċi. L-istruttura hija maħsuba biex tintegra l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir mal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.4   Fil-proċess ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha essenzjalment tilħaq tliet għanijiet.

2.4.1   L-ewwel għan huwa koordinazzjoni u sorveljanza akbar tal-politiki ekonomiċi billi:

jonqsu l-iżbilanċi nazzjonali permezz ta' sorveljanza makroekonomika isħaħ ibbażata fuq il-mekkaniżmi ta' twissija u ta' sanzjonijiet,

l-oqfsa baġitarji nazzjonali jsiru aktar omoġenji permezz tal-adozzjoni ta' ħtiġijiet minimi uniformi bejn l-Istati Membri u jkun hemm ċaqliq minn ippjanar baġitarju annwali għal wieħed multiannwali,

il-Patt ikun aktar effettiv billi jiffoka fuq il-kwistjoni tad-dinamika tad-dejn u tal-iżbilanċi.

2.4.2   It-tieni għan huwa dak li tiġi pprovduta sistema ta' korrettivi, preventivi u ta' sanzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu applikati meta jseħħ xi ksur min-naħa tal-Istati Membri tal-UE.

2.4.3   It-tielet u l-aħħar għan jistabbilixxi Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni bil-quddiem tal-politiki ekonomiċi applikabbli wkoll għar-riformi strutturali u għall-elementi ta' tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku previsti mill-Ewropa 2020.

2.5   Dawn l-għanijiet ġew tradotti fil-leġislazzjoni sekondarja mill-Kummissjoni, bil-pakkett sħiħ ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2010, dwar l-adozzjoni ta' sitt komunikazzjonijiet (3) li jittrattaw fid-dettall il-proċeduri konkreti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn ser jiġu diskussi f’żewġ opinjonijiet speċifiċi tal-KESE - waħda dwar ir-riforma tal-Patt u l-oħra dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, l-opinjoni attwali tillimita ruħha għall-kummenti ġenerali dwar is-sistema globali ta' governanza proposta mill-Kummissjoni, bla ma tidħol fil-qasam tal-pakkett leġislattiv li se jiġi ttrattat b’mod speċifiku miż-żewġ opinjonijiet indikati hawn fuq.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Għandha tiġi approvata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi proċess ta' tisħiħ reali fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea. Fil-fatt, din hi ħtieġa li ilha tiġi enfasizzata minn bosta korpi istituzzjonali Ewropej (fosthom il-Parlament Ewropew) u minn oħrajn. B’mod partikolari, l-importanza li tikber l-integrazzjoni tal-governanza tal-Unjoni ssemmiet ħafna drabi mill-KESE fl-opinjonijiet li fil-passat ittrattaw dan is-suġġett (4).

3.2   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ppreżentat sfidi kbar għas-sistema produttiva, soċjali u politika tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari (5).

3.3   Il-kuntest soċjali u ekonomiku jidher instabbli u inċert, u b’konsegwenza ta' dan jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu organizzati b’mod effikaċi u jkunu jaħdmu tajjeb. Qed isir dejjem aktar ċar li, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-atturi tal-politika ekonomika nazzjonali, mhux possibbli li l-Istati Membri jimxu kollha f’direzzjoni komuni quddiem l-isfidi li tippreżenta l-globalizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-finanzi u l-bidliet teknoloġiċi kbar li qed iseħħu.

3.4   Fin-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-kriżi diġà pproduċiet sensiela ta' konsegwenzi soċjali partikolarment serji għall-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-impjieg. Dawn l-effetti ġew identifikati b’mod ċar fl-abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew mir-relatur Pervenche BERÈS (6).

3.4.1   Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għall-UE, wara li żdied b’diffikultà fl-2008 (+0,5 %), naqas b’mod ċar fl-2009 (-4,2 %) u għandu jerġa’ jiżdied bil-mod fl-2010 u fl-2011 (previżjoni ta' +1 u +1,7 % rispettivament). It-tnaqqis hu partikolarment serju fit-tliet pajjiżi Baltiċi (il-Latvja se tkun tilfet 22 % tal-PDG tal-2007 sa tmiem l-2011) u fl-Irlanda, u fuq skala iżgħar fl-Italja, fil-Greċja u fil-Finlandja. Fl-istess ħin, l-esportazzjonijiet tal-Istati Membri – kemm lejn l-Istati Membri l-oħra kif ukoll ’il barra mill-UE – naqsu bi 12 % bejn l-2007 u l-2009, b’livelli li jisbqu l-15 % għall-Finlandja, Malta, il-Bulgarija, l-Isvezja, l-Estonja u r-Renju Unit (7).

3.4.2   Għalhekk, għall-maġġoranza tal-Istati Membri l-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija ta' Lisbona għas-suq tax-xogħol tbiegħdu: ir-rata tal-impjieg għall-UE niżlet minn 65,4 % fl-2007 għal 64,6 % fl-2009, bi tnaqqis ta' iktar minn ħames punti perċentwali fl-Estonja, l-Irlanda, Spanja u l-Latvja; fl-istess żmien, ir-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet minn 7,1 % għal 8,9 %, u qabżet l-10 % fi Spanja (li laħqet it-18 %), is-Slovakkja, l-Irlanda u fit-tliet pajjiżi Baltiċi.

3.5   Quddiem sitwazzjoni tassew kritika bħal din, li titlob soluzzjonijiet daqstant ieħor b’saħħithom, jibqgħu xi dubji fir-rigward tal-approċċ u l-iskadenzi adottati mill-Kummissjoni fil-proċess tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea. Dawn il-fatturi, minbarra li jostakolaw il-possibbiltà li jintlaqa’ l-proċess li tnieda - fl-aktar sens wiesa’ possibbli – mill-istituzzjonijiet Komunitarji u mill-opinjoni pubblika, jistgħu jwasslu sabiex l-oġġettiv stess tal-koordinazzjoni proposta ma jkunx ċar.

3.6   L-ewwel nett, l-azzjoni tal-UE fir-rigward tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tistax tiddependi mill-identifikazzjoni – li fil-fatt hi komuni bejn l-Istati Membri – ta' xi tfisser effettivament il-“governanza ekonomika”, flimkien ma' valutazzjoni bir-reqqa tar-raġunijiet li wasslu – matul id-deċennju li għadda - kemm għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt kif ukoll għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.

3.6.1   Minn naħa, it-terminu “governanza” jfakkar fi struttura istituzzjonali deċentralizzata, fejn ma jeżistix poter ċentrali wieħed bħal fl-istati nazzjonali, iżda numru ta' partijiet ikkonċernati, governattivi u mhux, li jikkooperaw bejniethom biex jiksbu l-iskopijiet komuni tagħhom. Iżda l-UE għadha f’fażi ta' staġnar, li ġejja mid-diffikultajiet relatati mal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru, kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u b’perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna. Minn hawn ġejja l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fil-fatt ikollhom għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali komuni ġodda, iżda dawn l-għanijiet bilkemm qed jirnexxielhom jinħolqu wara l-isforz kbir li sar fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet għall-ħolqien tas-suq uniku u l-adozzjoni tal-euro.

3.6.2   Min-naħa l-oħra, il-previżjoni ta' regoli għall-futur ma tidhirx li hija bbażata fuq analiżi li hemm qbil fuqha dwar il-passat. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-aspetti kruċjali li ħarġu mill-Patt humiex ġejjin minn żbalji inizjali ta' ppjanar tar-restrizzjonijiet fl-UEM quddiem kriżi serja, jew minn għażliet politiċi mhux adatti li saru waqt l-applikazzjoni tiegħu, jew inkella minn perspettivi differenti tal-għanijiet u l-istrateġiji relattivi li għandhom jiġu segwiti (l-inflazzjoni baxxa, it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva, eċċ.) (8). Anke fil-każ ta' verżjonijiet preċedenti tal-Patt, kienu jeżistu għal aktar minn deċennju regoli ta' kondotta għall-Istati Membri fl-Unjoni, iżda dawn ma evitawx li jinħolqu sitwazzjonijiet kruċjali b’mod frekwenti u ripetut.

3.6.3   Fl-istess ħin, in-nuqqas ta' ksib tal-biċċa l-kbira tal-għanijiet kwantitattivi li ġew deċiżi fl-Istrateġija ta' Lisbona – irrispettivament mill-kriżi ekonomika – iqajjem dubji kbar dwar l-għażla tal-indikaturi u l-ħila tagħhom li jiġbru fil-qosor b’mod effettiv it-triq li twassal għat-tkabbir tal-kompetittività u d-dinamiżmu.

3.7   It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma nkisbet sinkronizzazzjoni effettiva bejn id-diversi partijiet interessati: il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, it-Task Force dwar il-governanza ekonomika ppreseduta mis-Sur VAN ROMPUY, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni. Il-proċess ta' diskussjoni għandu jiġi konkluż bl-approvazzjoni tal-Parlament, li tingħata mhux qabel is-sajf tal-2011.

3.8   Quddiem sitwazzjoni tassew kruċjali, bħal dik tar-rebbiegħa tal-2010, jidher evidenti li l-Kummissjoni kienet aktar preokkupata li toħroġ mill-kriżi kemm jista’ jkun malajr - biex tipperswadi lis-swieq finanzjarji globali u lill-opinjoni pubblika – milli kemm ir-risposta tista’ tkun effettiva fuq perjodu ta' żmien medju u twil, mhux biss fuq il-livell finanzjarju, iżda wkoll fuq dak produttiv, soċjali u politiku.

3.9   Il-ħruġ mill-kriżi – skont il-Kummissjoni – jeħtieġ regoli aktar stretti u sanzjonijiet aktar ċerti, b’inqas diskrezzjoni politika u aktar sistemi awtomatiċi. Iżda l-ebda ġabra ta' regoli ma tista’ tiffaċċja b’mod effettiv is-sitwazzjonijiet ta' kriżi serja, billi dawn jiġu kkawżati kważi dejjem minn avvenimenti straordinarji u imprevedibbli li la l-persun tekniki m’għandhom il-ħila jipprevedu u lanqas ir-regoli stabbiliti m’għandhom il-ħila jirreaġixxu għalihom. L-utopja ta' “gvern tar-regoli” – li teħles lill-politika mill-piż illi jkollha tagħmel ċerti għażliet – diffiċilment tista’ tintlaħaq u hi saħansitra perikoluża, peress li tagħti sens illużorju ta' sigurtà u ta' protezzjoni minn kwalunkwe sors ta' inċertezza (9). Barra minn hekk, approċċ ta' dan it-tip jikkawża żewġ tipi ta' problemi li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa.

3.9.1   L-ewwel problema hija r-riskju li jiġu sottovalutati l-vantaġġi tal-approċċ Komunitarju, bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet li l-aktar jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-loġika intergovernattiva, b’deċiżjonijiet li jittieħdu essenzjalment mill-Kunsill, bi rwol limitat għall-Parlament u l-Kumitati. L-unika eċċezzjoni hi rrappreżentata mill-involviment pożittiv, fis-Semestru Ewropew, tal-Parlament Ewropew, li l-Kummissjoni se tippreżentalu l-analiżi annwali tat-tkabbir, f’Jannar, b’mod li jitnieda d-dibattitu dwar il-linji gwida tal-koordinazzjoni.

3.9.1.1   Il-prevalenza tal-loġika intergovernattiva tista’ ġġib magħha l-istess sottovalutazzjoni tan-nuqqas taċ-ċittadinanza Ewropea diġà mġarrba fl-Istrateġija ta' Lisbona. Din hija sfida għas-sistema ekonomika, soċjali u politika tal-UE bl-istess mod tal-kriżi globali, li tista’ tagħti lok għall-illużjoni li tiġi restawrata s-sovranità nazzjonali permezz tar-rinunzja tal-euro (u saħansitra tal-Unjoni stess) sabiex jerġa’ jitnieda żvilupp nazzjonali improbabbli, ħieles mir-restrizzjonijiet u mit-teknokrati Ewropej. Mhux b’kumbinazzjoni li osservatur attent tal-Unjoni Ewropea – Charles KUPCHAN (10) – ippreveda riskju ta' “nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid” tal-proġett Ewropew f’artiklu tal-Washington Post tad-29 ta' Awwissu 2010: “L-Ewropa għaddejja minn esperjenza ta' rinazzjonalizzazjoni tal-ħajja politika u l-pajjiżi qed jerġgħu lura għall-istat ta' sovranità li darba kienu ssagrifikaw volontarjament għall-ideal kollettiv” (11).

3.9.1.2   Jidher li ċ-ċittadini Ewropej juru proprju dan it-telf ta' fiduċja, mhux daqstant fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji nnifishom, iżda fil-konfront ta' kemm huwa utli li jagħmlu parti mill-UE. L-istudji tal-Ewrobarometru (12) juru kif fil-fatt – bejn ir-rebbiegħa tal-2007 u l-2010 – il-perċentwal tal-Ewropej li jikkunsidraw bħala fattur pożittiv li pajjiżhom jagħmel parti mill-UE niżel minn 57 % għal 49 %, għall-benefiċċju ta' min jikkunsidra dan bħala fattur negattiv (illum 18 %) u ta' min jinsab f’dubju (29 %). Bl-istess mod, il-perċentwal taċ-ċittadini li jaħsbu li pajjiżhom ibbenefika b’mod ġenerali mis-sħubija mal-UE naqas minn 59 % għal 53 %, filwaqt li l-perċentwal ta' dawk li jwieġbu li ma kienx hemm benefiċċji tela’ għal 35 %.

3.9.2   It-tieni problema hi r-riskju li jiġi segwit approċċ tradizzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi, ibbażat fuq ir-rikors għad-dixxiplina finanzjarja fir-rigward tas-suġġetti tat-tkabbir, tal-ugwaljanza soċjali u tad-degradazzjoni ambjentali, minkejja li dawn issa saru argumenti innovattivi, imxerrdin u konvinċenti (13).

3.9.2.1   Ir-rabtiet bejn l-infiq pubbliku, il-prestazzjoni ekonomika u l-għanijiet soċjali huma aktar kumplessi mill-impressjoni li tipprova toħloq l-ipoteżi sempliċistika ta' kompromess (trade-off) bejn l-ugwaljanza u l-effettività. Sistemi ta' benesseri u ta' regolazzjoni ambjentali mfassla sew jippermettu wkoll it-tisħiħ tal-effettività u l-kompetittività, sal-punt li jitqiesu bħala fattur produttiv li jikkontribwixxi għall-istabilità u għad-dinamika ekonomika fl-ekonomiji postindustrijali.

3.9.2.2   Dan jgħodd aktar fil-fażi ta' kriżi li l-ekonomiji Ewropej qed jgħaddu minnha. Fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (14), il-Kummissjoni rrikonoxxiet kemm il-ħtieġa li “jitnaqqas il-prezz uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli”, kif ukoll il-fatt li l-kriżi għandha tiġi kkonsidrata bħala opportunità biex “isseħħ aktar malajr il-bidla favur ekonomija b’livell baxx ta' karbonju” billi tiġi stabbilita strateġija “li se tistimola l-innovazzjoni, toħloq impjiegi ġodda ambjentali u tiftaħ opportunitajiet ġodda fi swieq mondjali li qed jikbru malajr”.

3.9.2.3   Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriżi ma twelditx fis-settur pubbliku, iżda f’dak privat, minħabba l-iżbilanċi bejn it-tkabbir globali tal-forniment ta' provvisti u servizzi u t-tnaqqis fit-tkabbir tal-poter tal-akkwist tal-konsumaturi (15). Il-biċċa l-kbira tad-deterjorament tal-baġits tal-Istati Membri fir-rigward tal-PDG kienet biss konsegwenza tal-azzjonijiet ta' emerġenza, li ttieħdu minħabba t-tnaqqis tad-denominatur (id-dħul nazzjonali) u ż-żieda tan-numeratur (l-infiq pubbliku kemm għas-salvataġġ tas-sistema finanzjarja u produttiva, kif ukoll għall-istabbilizzaturi awtomatiċi mfassla biex jikkontrollaw l-effetti potenzjalment drammatiċi tal-kriżi) (16). Bħalma kiteb FITOUSSI: “Il-problemi baġitarji tal-Ewropa mhux ġejjin daqstant mill-azzjoni ta' diskrezzjoni tal-gvernijiet, daqs kemm mill-konsegwenzi kkawżati awtomatikament mit-tfaqqir tas-soċjetajiet għall-finanzi pubbliċi (17).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   In-nuqqas ta' ċarezza dwar xi tfisser “governanza ekonomika”, kif wkoll dwar l-għanijiet li fuqhom tibbaża ruħha, flimkien man-nuqqas ta' għarfien dwar il-limiti tal-Patt u tal-Istrateġija ta' Lisbona, iwasslu għall-ħtieġa li tiġi identifikata strateġija komuni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Strateġija li ma tillimitax ruħha li tiddikjara r-regoli u l-proċeduri formali, iżda li tidħol fid-dettall tal-politiki konkreti - aktar u aktar fil-kuntest dgħajjef ta' wara l-kriżi ekonomika - biex ittejjeb il-kwalità ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej, iżżid ir-rata tal-impjieg (inkluż fost il-gruppi żvantaġġati fosthom il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi) u ssaħħaħ il-ħiliet kompetittivi tas-sistema produttiva Ewropea (inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u dawk medji u l-ekonomija soċjali).

4.2   Għal dan il-għan, ma nistgħux nillimitaw ruħna għar-regoli ta' kontabilità, li xorta waħda huma indispensabbli, sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tad-dħul u l-ħruġ. Sabiex jissaħħu l-fiduċja u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-UE, hemm bżonn azzjonijiet fuq perjodu medju u twil, li jippermettu bilanċ bejn id-dixxiplina meħtieġa fil-kontijiet u l-ħila daqstant ieħor importanti li jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali. Għaldaqstant, għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni fl-Ewropa dwar l-Unjoni Ewropea intiża bħala entità politika, li għandha l-ambizzjoni li tikkoordina – sabiex jintlaħaq għan ġenwinament komuni – il-politiki nazzjonali differenti, bħala suġġett ħaj fid-dinja globali.

4.3   Ewropa li tkun aktar konxja tiddependi minn istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u lill-imsieħba soċjali – il-Parlament u l-Kumitati – ikollha rwol iktar b’saħħtu u tkun iktar kapaċi tifhem l-iżviluppi li qed iseħħu, sabiex il-proċess ta' koordinazzjoni previst mill-Kummissjoni jista’ jislet leġittimità demokratika b’saħħitha u jista’ jsib rikonoxximent akbar li jidher li hu meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tiegħu.

4.4   Iżda bħalissa r-rwol tal-Parlament fis-Semestru Ewropew jidher modest, limitat għall-fażi inizjali ta' dibattitu u tal-ewwel orjentament tal-proċess ta' koordinazzjoni, iżda jista’ jkollu sehem akbar u aktar effettiv jekk jiġi kkoordinat mal-attività tal-parlamenti nazzjonali msejħa biex jiddiskutu u japprovaw il-baġits tal-Istati Membri individwali. Il-Parlament jista’ jkun kruċjali fid-definizzjoni ta' liema governanza ekonomika għandha ssegwi l-Unjoni u sabiex jiggarantixxi l-leġittimità demokratika tal-proċeduri preventivi u korrettivi, inklużi s-sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri.

4.5   Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni effettiva f’sessjoni annwali speċifika, fejn jistgħu jiġu diskussi r-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Il-valur miżjud tal-KESE huwa proprju li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet li fuq livell nazzjonali jiddeterminaw il-qbil soċjali mal-politika ekonomika; dan jista’ jippermetti lill-KESE li jagħti kontribut importanti sabiex mhux biss il-mexxejja politiċi, iżda wkoll aktar u aktar iċ-ċittadini tal-Istati Membri jimpenjaw ruħhom u jsiru responsabbli.

4.5.1   Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, u biex b’hekk l-istrateġiji adottati jkunu jistgħu jiġu analizzati u mbagħad mxerrda u promossi fil-livell nazzjonali.

4.6   L-involviment akbar tal-Parlament u tal-Kumitati jnaqqas ir-riskju lil-għan tat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jiġi sottovalutat meta mqabbel mal-ħtieġa tal-istabilità monetarja u finanzjarja, u jippermetti li l-Patt u l-Istrateġija Ewropa 2020 jibqgħu koerenti bejniethom. Fil-fatt, għalkemm l-istabilità ekonomika – speċjalment fi żminijiet ta' kriżi – hija l-bażi tat-tkabbir u taż-żamma tal-istandards tal-għejxien taċ-ċittadini Ewropej, it-tiftix ta' stabilità akbar m’għandux isir bi ħsara għad-dħul u d-drittijiet taċ-ċittadini. L-implimentazzjoni konġunta tar-riforma tal-governanza ekonomika u tal-Ewropa 2020 b’hekk tiffaċilita l-aċċettazzjoni tar-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.

4.6.1   Bħalissa, minkejja li l-Kummissjoni tidher tassew attenta li tpoġġi ż-żewġ strateġiji fuq l-istess livell, qed iqumu dubji kbar dwar l-intenzjonijiet effettivi tagħha li tipproċedi lejn integrazzjoni reali bejniethom, billi dawn baqgħu kompletament separati. Pjuttost qed jirriżulta żbilanċ li jnaqqas id-dimensjonijiet soċjali b’vantaġġ għall-fatturi tal-produttività u l-flessibilità tax-xogħol, li jintqal li jistgħu jżidu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

4.6.2   L-ipotesi hi li s-sorveljanza makroekonomika – flimkien mas-sorveljanza tematika tar-riformi strutturali mitluba mill-Kummissjoni – toħloq kuntest li xorta waħda jiffavorixxi l-iżgurar tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, b’vantaġġ kemm għall-Ewropa 2020 kif ukoll għall-Patt. Iżda l-esperjenza ta' aktar minn għaxar snin ta' sperimentazzjoni tal-munita unika – u għalhekk għaż-żona tal-euro bin-nuqqas ta' possibilità li tuża l-għodda tal-iżvalutazzjoni - ma tagħtix sinjali evidenti li d-differenzi tal-kompetittività fl-UE u fl-UEM jistgħu jiġu rimedjati f’waqthom.

4.7   Sabiex ittejjeb il-kompetittività tal-kwalità, l-Ewropa 2020 tidher li miexja fid-direzzjoni t-tajba, billi tipprevedi azzjonijiet fil-qasam tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tas-sostenibilità ambjentali. Madankollu, qed tinħoloq kontradizzjoni bejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u t-tisħiħ tal-Patt, aktar u aktar fil-kuntest ekonomiku u soċjali Ewropew li għadu ħiereġ bil-mod mill-kriżi.

4.7.1   Il-ksib tal-għanijiet ambizzjużi tal-Istrateġija Ewropa 2020 – tkabbir intelliġenti (ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni), sostenibbli (aktar effettiv, ekoloġiku u kompetittiv) u inklużiv (koeżjoni soċjali u territorjali permezz tal-impjieg, b’attenzjoni partikolari għall-ħaddiema żvantaġġati) – fil-fatt iwassal għall-ħtieġa li jkunu ffinanzjati livelli adegwati ta' investimenti. Iżda fl-istess ħin azzjonijiet bħal dawn, li jeħtieġu aktar infiq pubbliku dirett jew inċentivi anki fiskali għas-settur privat, jistgħu jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji li l-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ sabiex dawn jikkonformaw mal-Patt u b’hekk tittejjeb il-governanza ekonomika.

4.7.2   Barra minn hekk, fir-rigward tal-PDG, huwa minnu li s-saħħa tal-kontijiet pubbliċi u tal-euro jiffurmaw il-bażi meħtieġa li fuqha jinbnew politiki ta' żvilupp fit-tul. Minkejja dan, ir-regoli tal-kontabilità waħedhom ma jiżgurawx l-evoluzzjoni pożittiva tal-finanzi tal-Istati Membri fuq perjodu ta' żmien twil. Fil-fatt, skont il-“prinċipju ta' invarjabilità” propost minn STIGLITZ, SEN u FITOUSSI (18), il-valur tal-kontijiet totali fuq livell nazzjonali m’għandux ivarja skont id-differenzi istituzzjonali, ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn il-pajjiżi differenti, iżda għandhom jiġu mqabbla sitwazzjonijiet kemm jista’ jkun omoġenji. Fi kliem ieħor, sabiex tiġi vverifikata s-sostenibilità fuq perjodu ta' żmien twil tal-kontijiet pubbliċi, mhux biżżejjed li jiġu sorveljati d-defiċit u d-dejn minn sena għall-oħra, iżda huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prospetti futuri anki tas-swieq privati, l-ewwel nett ta' dawk finanzjarji, tal-beni immobbli u tas-sigurtà soċjali, li f’sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' emerġenza jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti s-saħħa tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, pereżempju permezz tas-salvataġġi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-intrapriżi l-kbar.

4.7.3   Barra minn hekk, l-enfasi fuq l-iżbilanċi kompetittivi timplika kontroll kostanti tad-dinamika tal-ispejjeż unitarji tax-xogħol, li min-naħa tiegħu jitlob attenzjoni li dejjem tiżdied fuq in-negozjar bejn il-partijiet soċjali, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni. Ir-relazzjonijiet bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali b’hekk għandhom ikunu parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni, parti importanti li hi nieqsa mill-Komunikazzjoni tal-KE.

4.7.3.1   Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni konġunta effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jseħħ permezz ta' qabża fil-kwalità li tippermetti li jittieħed ir-rwol ta' strument li jiffaċilita l-involviment effettiv tal-partijiet soċjali flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, u li kapaċi joħloq koerenza bejn id-dinamiċi Komunitarji u dawk nazzjonali (19).

4.8   L-adozzjoni ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej titlob ftehim unanimu – min-naħa tas-27 Stat Membru – dwar il-qafas makroekonomiku ta' referenza u tal-qafas makroekonomiku ppjanat, billi huwa fuq dawn l-oqfsa li ser jissejjes it-tfassil tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri u li ser jiġu kkomunikati tul is-Semestru Ewropew. f’dan il-kuntest partikolari, il-valutazzjonijiet tal-Eurostat, il-proposti ppjanati tal-Kummissjoni Ewropea, ir-rwol ta' appoġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-reazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew ilkoll għandhom rwol ta' importanza fundamentali.

4.9   Minħabba l-interrelazzjonijiet b’saħħithom li jeżistu bejn l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, huwa meħtieġ ukoll li jiġu adottati indikaturi tat-tkabbir aktar komprensivi mill-PDG waħdu. Ta’ min wieħed ifakkar li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata b’mod sinifikanti Il-PDG u lil hinninkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel  (20), fil-fatt jiġi mħeġġeġ l-użu ta' indikaturi ġodda “li jinkorporaw fil-qosor il-kisbiet soċjali u ambjentali (bħall-koeżjoni soċjali akbar, l-aċċessibilità u l-affordabilità tal-oġġetti u s-servizzi bażiċi, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-arja) u t-telfiet (pereżempju, iż-żieda tal-faqar, aktar kriminalità, riżorsi naturali li dejjem jonqsu)” u li għalhekk “jirriflettu l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini”.

4.10   Biex ikun effikaċi u jilħaq l-għanijiet tiegħu, it-tisħiħ tal-governanza, jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv il-ħames azzjonijiet previsti biex immorru lil hinn mill-PDG: (i) l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali; (ii) il-ksib ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali bħala sostenn għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; (iii) id-disponibilità ta' data aktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza; (iv) it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli; u (v) l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

4.11   Il-proċess attwali ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea huwa proċess li, bħal oħrajn li seħħew fl-istorja tal-UE, żgur se jirriżulta wieħed kumpless. Min-naħa l-oħra, din hija karatteristika impliċita tal-Unjoni stess. Huwa tassew minnu li – kif fakkar ġurnalista Taljan - “l-Ewropa tbati (meta mqabbla mal-Istati Uniti) minn nuqqas ta' definizzjoni, fattur li wassalha sabiex minn twelidha tista’ titqabbel ma' vjaġġ ta' tiftix għad-destinazzjoni” (21), iżda llum huwa daqstant ieħor importanti li dan il-vjaġġ ikollu destinazzjoni preċiża u ċara u li għandha l-qbil taċ-ċittadini Ewropej, il-parlamenti tagħhom u l-entitajiet istituzzjonali nazzjonali u Ewropej. Hekk biss se jkun possibbli li tintlaħaq il-mira li l-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha sa mill-ewwel ġranet tat-twaqqif tagħha.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 367 finali

(2)  COM(2010) 250 finali

(3)  COM(2010) minn 522 sa 527; għal iktar dettalji ara http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-eu_economic_governance_proposals_en.htm

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar is-suġġetti li ġejjin: L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 15; L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57; Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 10; Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea, ĠU C 10, 15.1.2008, p. 106; Il-linji gwida ġeneral għall-politika ekonomika u l-governanza ekonomika – il-kondizzjonijiet għal iktar koerenza fit-tfassil tal-politika ekonomika fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 324, 30.12.2006, p. 49; It-tisħiħ tal-governanza ekonomika – Ir-riforma tal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 68.

(5)  Kif enfasizza l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli REHN, fis-seduta tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2010: “Il-kriżi żvelat dgħufijiet sistemiċi importanti fil-politika ekonomika u monetarja attwali. Fi ftit kliem: neħtieġu koordinazzjoni aħjar u iżjed strett tal-politika ekonomika tal-UE. Neħtieġu wkoll applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tal-UEM. Ir-regoli ma jfissru xejn jekk ma jiġux rispettati. (REHN O., Insaħħu l-fiduċja ekonomika fl-Ewropa, Diskors lill-Kummissjoni ECON tal-Parlament Ewropew, Strasburgu, 5 ta' Lulju 2010).

(6)  Il-Parlament Ewropew, abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jiġu adottati (rapport ta' nofs it-term) (Mhux disponibbli bil-Malti). Kummissjoni speċjali għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali. Relatur: Pervenche BERÈS, 6.5.2010.

(7)  Data pprovduta mill-bażi tad-data tal-Eurostat li ġiet ikkonsultata f’Settembru 2010 u inkorporata fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.

(8)  L-istess President tal-Kunsill Ewropew Herman VAN ROMPUY fl-20.9.2010 rrikonoxxa dan in-“nuqqas istituzzjonali”: “… irridu ngħixu bid-dilemma ta' unjoni monetarja mingħajr unjoni baġitarja avvanzata. Minn mindu daħlet l-euro, l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli mill-politika monetarja, filwaqt li l-Istati Membri baqgħu responsabbli mill-politika baġitarja tagħhom stess u jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom stess. Dan joħloq tensjoni u minn hawn jirriżultaw id-deċiżjonijiet kumplessi li semmejt qabel …! Wieħed jista’ jikkundanna l-ippjanar difettuż, li huwa kkonsidrat minn xi wħud bħala l-ewwel żball tal-euro. Jien naħseb li hu aktar nuqqas strutturali. Iżda, f’dak iż-żmien tan-negozjati tat-Trattat ta' Maastricht, b’mod partikolari bejn il-Ġermanja u Franza, kellha ssir għażla. Kieku fil-bidu ma seħħx dan l-iżball, l-euro lanqas kienet titwieled!”. VAN ROMPUY H., “Mhux politika Ewropea li terġa’ ssir nazzjonali, imma politika nazzjonali li ssir Ewropea”, diskors fuq talba ta' Notre Europe, Pariġi, l-Anfiteatru l-Kbir tax-Xjenza Politika. (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/fr/ec/116622.pdf).

(9)  VEROLA N., L'Europa e la crisi: squilibri finanziari ed equilibri costituzionali, Paper for ASTRID, 2010, disponibbli fuq l-internet http://www.astrid-online.it/Riforma-de/Studi-e-ri/VEROLA---L-Europa-e-la-crisi---squilibri-finanziari-ed-equilibri-costituzionali.pdf (disponibbli biss bit-Taljan).

(10)  Direttur tal-Istudji Ewropej tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni u professur fl-Università ta' Georgetown.

(11)  KUPCHAN, C., As nationalism rises, will the European Union fall, Washington Post, 29 Awwissu 2010. Ara wkoll l-osservazzjonijiet dwar it-tassazzjoni u rappreżentazzjoni ta' DE GRAUWE P., Why a tougher Stability and Growth Pact is a bad idea, VoxEU.org, disponibbli fuq l-internet: http://www.voxeu.com/index.php?q=node/5615.

(12)  Data tal-Ewrobarometru 73 – L-ewwel riżultati, imsemmija fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.

(13)  Dwar is-sostenibilità ambjentali, ara DALY H., Beyond Growth: The Economics of Sustainable Development (Lil hinn mit-tkabbir – Edizioni di Comunità, 2001), 1996. Dwar il-benesseri u l-ekwità, ara BEGG I., FERRERA M., HODSON D., MADSEN P., MATSAGANIS M., SACCHI S., SCHELKE W., The Cost of Non Social Policy: Literature Review, (L-impatti negattivi tan-nuqqas ta' politika soċjali: ħarsa lejn il-letteratura marbuta mas-suġġett), Rapport lill-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2003. Dwar il-mudell tal-iżvilupp uman ara: SEN A., Inequality Reexamined (Ħarsa mill-ġdid lejn l-inugwaljanza – reviżjoni analitika, Il Mulino, 2010), 1992; u SEN A., Development as Freedom (L-iżvilupp bħala libertà, Mondadori, 2000), 1999.

(14)  COM(2008) 800 finali – Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, p. 5.

(15)  ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion (L-isfidi tat-tkabbir, tal-impjieg u tal-koeżjoni soċjali), dokument ta' diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13.9.2010, p. 67-73.

(16)  Id-dejn pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro naqas minn 72 % fl-1999 għal 67 % fl-2007 (Tabella 3 tal-Anness) u fl-istess perjodu żdied id-dejn tal-familji u tas-settur finanzjarju (Tabelela 4 tal-Anness). Id-dejn tas-settur pubbliku beda jiżdied sa mill-2008 (Tabella 5 tal-Anness), meta l-gvernijiet wettqu s-salvataġġi tas-sistema bankarja u sostnew l-attività ekonomika f’sitwazzjoni ekonomika ta' riċessjoni (tnaqqis tal-PDG u tnaqqis tad-dħul fiskali).

(17)  FITOUSSI J.P., Crise et démocratie, le paradoxe européen (Kriżi u demokrazija, il-paradoss Ewropew), Le Monde, 16.10.2010. Ara wkoll DE GRAUWE P., What kind of governance for the eurozone? (Liema tip ta' governanza għaż-żona tal-euro) CEPS Policy Brief, Nru 214, 9.2010.

(18)  STIGLITZ J.E., SEN A., FITOUSSI J.P., Report by the Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress (Rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tar-riżultati ekonomiċi u tal-progress soċjali), Rapport lill-President tar-Repubblika Franċiża, Pariġi, 2009 (p. 22-23).

(19)  WATT A., Economic Governance in Europe: A Change of Course only after ramming the Ice (Il-Governanza ekonomika fl-Ewropa), Social Europe Journal, 30.7.2010, disponibbli onlajn http://www.social-europe.eu/2010/07/economic-governance-in-europe-a-change-of-course-only-after-ramming-the-ice/.

(20)  COM(2009) 433 finali, p. 3-4

(21)  BASTASIN C., Questo secolo può essere ancora europeo (Dan is-seklu għad jista’ jkun wieħed Ewropew), Il Sole 24 ore, 2.9.2010.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Din l-emenda ma ġietx aċċettata waqt is-sessjoni plenarja, iżda rċeviet minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 4.7.3.1 -   Emenda 1 imressqa mis-sur Pálenik

Żid punt 4.7.4 ġdid wara punt 4.7.3.1:

Raġuni

It-tielet parti tal-proposta tal-Kummissjoni ssemmi li jridu jiġu kkunsidrati l-impenji impliċiti. Iżda l-proposta tkun aktar utli jekk tispjega fid-dettall x'inhu involut u kif dan jista' jinkiseb fil-prattika.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

69

Voti kontra

:

160

Astensjonijiet

:

19


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja”

COM(2010) 254 finali

2011/C 107/03

Relatur: is-Sinjura ROUSSENOVA

Nhar is-26 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja

COM(2010) 254 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'193 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mat-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni li flus il-kontribwenti ma għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji u fil-prinċipju jappoġġja l-istabbiliment ta' netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ta' riżoluzzjoni bankarja (FRB) ex-ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti għall-immaniġġjar ta' kriżi nazzjonali. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb li sabiex tinkiseb skema ta' fondi ta' riżoluzzjoni bankarja fattibbli, l-Istati Membri għandhom jaqblu minn qabel fuq l-adozzjoni ta' metodi komuni u regoli uniformi sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Is-sinjali attwali jidhru li qed jagħtu l-impressjoni opposta. Hemm għadd ġmielu ta' Stati Membri li diġà nedew jew li qed jippjanaw miżuri fiskali biex jerġgħu jfornu l-baġits fqar tagħhom jew biex isaħħu s-swieq tagħhom: diġà teżisti sitwazzjoni b'kundizzjonijiet li mhumiex indaqs. Ħarsa realistika lejn is-sitwazzjoni attwali, u fil-kuntest tal-esperjenzi tal-passat, turi li huwa diffiċli li wieħed ikun ottimist li malajr ser tinstab soluzzjoni. Approċċ iktar gradwali forsi jista' jippermetti li, maż-żmien, xi wħud minn dawn id-differenzi jitnaqqsu.

1.2   Rigward il-kompetizzjoni, iż-żamma ta' sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għandha tkun wieħed mill-objettivi prinċipali. Kif inhu mfassal attwalment, l-iskema tal-FRB, qiegħħda fir-riskju li jkollha effetti ta' tfixkil fil-livell nazzjonali, billi taffettwa biss parti mis-settur finanzjarju, fil-livell tal-UE, billi timponi kostijiet ġodda fuq xi setturi nazzjonali li huma diġà dgħajfa, u fil-livell internazzjonali għax ma jidhirx li ser jintlaħaq ftehim fil-livell tal-G-20.

1.3   It-tħassib prinċipali jinkludi x-xenarju makroekonomiku. L-awtoritajiet kollha nazzjonali u internazzjonali qed jagħmlu pressjoni fuq is-settur bankarju biex itaffi s-sitwazzjoni billi jagħti iktar kreditu lill-ekonomija reali. Huwa stmat li r-regoli prudenzjali l-ġodda, ir-rekwiżiti l-ġodda għall-kapital u t-taxxi l-ġodda huma meħtieġa u l-awtoritajiet għandhom ifittxu li jiksbu bilanċ raġonevoli bejn il-ħtiġiet kontrastanti tal-kapital li jappoġġja l-baġit nazzjonali u l-ħtieġa ta' ekonomija reali. Bħalissa, l-iskema tal-FRM hija vaga wisq biex tippermetti kalkoli preċiżi biex jiġu provduti l-investimenti meħtieġa fil-produzzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Huwa diffiċli li l-benefiċċji jgawdihom kulħadd mingħajr prijoritizzazzjoni u ppjanar tal-ħin adatti għall-implimentazzjoni ta' kull fażi tal-iskema proposta tal-FRB.

1.4   Il-KESE jemmen li qabel ma jittieħdu l-passi biex jiddaħħlu l-imposti bankarji, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi bir-reqqa tal-effetti kumulattivi tad-dazji u l-FRB u tqis it-tħassib tagħna msemmi hawn fuq, b'mod partikolari dawk fil-punt 1.3. Biex tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-FRB jeħtieġ stima ta' kemm ser tiswa l-iskema kollha kemm hi, sa liema punt ser ikollha impatt fuq il-potenzjal għas-self tal-settur bankarju, u kemm ser jgħaddi żmien qabel ma l-FRB tkun b'saħħitha biżżejjed qabel ma tilħaq id-daqs immirat. Il-KESE jirrakkomanda li dawn l-istimi jitfasslu fil-kuntest tal-agħar xenarju possibbli sabiex jiġi żgurat li l-iskema tkun realistika u fattibbli f'perjodu ta' kriżi meta minn banda, il-banek ser jiffaċċjaw id-diffikultajiet biex jagħmlu l-kontributi tagħhom lill-FRB, u mill-banda l-oħra, dan ser ikun żmien meta r-riżorsi tal-fondi ser ikunu meħtieġa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet il-messaġġ li ħareġ mil-laqgħa tal-G-20 f'Pittsburgh f'Settembru 2009, li flus il-kontribwenti m'għandhomx jerġgħu jintużaw biex ikopru t-telfiet bankarji, u qed taħdem biex tikseb dan il-għan b'żewġ modi kumplementari:

a)

bit-tnaqqis tal-probabilità tal-inadempjenza bankarja permezz ta' superviżjoni aqwa makroekonomika u mikroekonomika, governanza korporattiva aħjar u standards regolatorji aktar strinġenti; u

b)

bl-iżgurar li jekk minkejja dawn il-miżuri xorta waħda jkun hemm inadempjenza, ikunu disponibbli għodod adegwati inkluż riżorsi suffiċjenti għar-riżoluzzjoni ordnata u propizja.

2.2   COM(2010) 254 finali tispjega l-ħsieb tal-Kummissjoni dwar kif is-settur finanzjarju jista' jikkontribwixxi għall-ispiża tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni ta' banek li fallew fil-qafas tal-għodod kollha għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżi. Il-Kummissjoni temmen li l-Fondi ta' Riżoluzzjoni Bankarja (FRB) ex ante ffinanzjati minn imposti fuq il-banek għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' stabbiltà finanzjarja u riformi usa' għas-sistema finanzjarja, b'enfasi fuq il-prevenzjoni. Dawn huma meqjusa bħala l-istrument adatt għall-intervent u r-riżoluzzjoni ta' banek inadempjenti b'tali mod li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-inadempjenza tal-banek għall-pubbliku. Il-Komunikazzjoni tispjega l-għan, id-daqs potenzjali u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-FRB.

2.3   L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li ddaħħal approċċ tal-UE għall-FRB u li fl-aħħar mill-aħħar twaqqaf fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE bħala soluzzjoni mixtieqa sew. Madankollu, il-Kummissjoni temmen li jkun ferm diffiċli li jittieħed l-ewwel pass bl-istabbiliment ta' Fondi ta' Riżoluzzjoni pan-UE fin-nuqqas ta' qafas integrat tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u s-superviżjoni. Għalhekk, l-ewwel pass adatt ikun li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' sistema msejsa fuq netwerk armonizzat ta' fondi nazzjonali ex ante marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali koordinati għall-immaniġġjar tal-kriżijiet.

2.4   Il-KESE jilqa' kull proposta mmirata lejn it-tisħiħ tas-settur finanzjarju u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet futuri u f'dan il-kuntest, fil-prinċipju, japprova l-inizjattivi u r-rakkomandazzjonijeit tal-Kummissjoni għall-approċċ tal-UE għall-FRB skont COM(2010) 254 finali, imma fl-istess ħin jinsab imħasseb. Il-KESE jirrealizza li f'dan l-istadju xi wħud mill-inizjattivi jistgħu ma jkunux applikabbli u aċċettabbli għal xi Stati Membri, filwaqt li oħraj jeħtieġu iktar ħsieb, analiżi u kjarifika.

2.5   L-għan tal-qafas il-ġdid għall-immaniġjar u l-prevenzjoni tal-kriżi ser ikun li jiżgura li, fil-każ ta' adempjenza ta' banek kbar, l-Istati Membri jkollhom għodod komuni li jkunu jistgħu jiġu applikati b'mod koordinat biex tiġi mħarsa s-sistema finanzjarja ġenerali, jiġu evitati l-ispejjeż għall-kontribwenti u tiġi żgurata sitwazzjoni b'kundizzjonijiet ekwivalenti. Dawn il-għodod ta' riżoluzzjoni komuni huma mistennija li jiżguraw li l-inadempjenza ordnata tkun għażla kredibbli għal kwalunkwe bank, irrispettivament mid-daqs jew il-kumplessità . Il-kunċett tad-dimensjonijiet huwa importanti. Filwaqt li fil-prinċipju kull inadempjenza ordnata għandha tkun garantita, dak li hu importanti huwa li jiġi definit il-kunċett ta' inadempjenza “konsiderevoli” jew “ta' skala kbira”. L-istituzzjonijiet finanzjarji kbar ħafna u kumplessi (jiġifieri, il-gruppi internazzjonali, mhux bilfors kollha Ewropej jew kollha bbażati l-Ewropa) jistgħu joħolqu l-isfidi. Inadempjenzi fuq skala ikbar jistgħu jeħtieġu trattament differenti, possibbilment billi l-entità legali tinżamm bħala negozju avvjat permezz tar-ristrutturar, l-istralċ tad-dejn u t-taħlit/tneħħija tal-azzjonisti. Jista' jkun hemm bżonn finanzjament addizzjonali minn fond bħala parti mill-pakkett tal-miżuri.

2.6   Fl-20 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni biex jiġu stabbiliti l-perjodi, il-miżuri, l-għodod u l-pjani għal qafas sħiħ tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi. Fir-rebbiegħa tal-2011, għandhom jiġu ppreżentati l-proposti leġislattivi rilevanti dwar l-immaniġġjar tal-kriżi u l-fondi ta' riżoluzzjoni. F'dan l-istadju jista' jkollna biss xi aspetattivi u rimarki preliminari. Id-data tal-bidu għandha tiġi stabbilita minn Direttiva, sakemm din tiġi approvata. Probabbilment, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi u l-wegħda tal-Kummissjoni li tapprova l-proposti leġislattivi rilevanti sar-rebbiegħa tal-2011, id-data l-iktar kmieni tkun 2013-2014. Kull fond ser jieħu ż-żmien biex jilħaq id-daqs immirat imma, billi ser jinkorpora fondi ex post kif ukoll ex ante, fit-teorija jibda jitħaddem hekk kif il-leġislazzjoni tidħol fis-seħħ fl-Istat Membru. Madankollu, għandu jitfakkar li xi Stati Membri ħabbru li mhumiex beħsiebhom jintroduċu imposti bankarji fil-perjodu l-qasir għax is-setturi bankarji tagħhom ma ntlaqtux b'mod serju mill-kriżi u għadhom stabbli. Għalhekk, l-FRB għandha titqies bħala għodda biex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja fil-perjodu medju u fit-tul.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-approċċ lejn il-FRB

3.1.1   Il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li, bħala l-ewwel pass, tipproponi li jiġi stabbilit netwerk armonizzat ta' FRB nazzjonali marbuta ma' sensiela ta' arranġamenti nazzjonali kkoordinati għall-immaniġġjar ta' kriżi. Madankollu, fl-istess ħin jirrakkomanda li n-netwerk ta' fondi jiġi stabbilit gradwalment u li jqis bir-reqqa l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull Stat Membru. Il-Ġermanja u l-Isvezja bdew jaħdmu fuq il-fondi tagħhom stess, li ser jiġbru l-flus miġbura mill-imposti/kontribuzzjonijiet. Kull wieħed għandu l-metodu u regoli proprji għat-twaqqif tal-fond u f'dan l-istadju l-KESE ma jistax jissuġġerixxi liema regoli għandhom jingħataw preferenza.

3.1.2   Fid-dawl tal-fatt li xi pajjiżi diġà qed jintroduċu imposti, taxxi u sistemi bankarji speċifiċi għall-pajjiż, il-KESE jemmen li, qabel xejn, għandhom jiġu diskussi u miftiehma xi prinċipji u parametri bażiċi komuni għall-imposti bil-għan li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-settur finanzjarju tal-UE. Il-KESE jaqbel li għandu jkun hemm approċċ gradwali li jiddistingwi bejn l-għanijiet fil-perjodu qasir u dawk fil-perjodu medju (1). Fil-perjodu l-qasir, l-Istati Membri għandhom ikunu mistennija jilħqu ftehim fuq il-bażi tal-imposta, ir-rata u l-ambitu tagħha, filwaqt li jħallu lok għal ċerta flessibbiltà, fid-dawl tal-bidliet li għaddejjin bħalissa fil-qafas regolatorju u l-iżviluppi lejn iktar armonizzazzjoni. Imbagħad, jista' jiġi kkunsidrat approċċ għall-introduzzjoni gradwali ta' imposta sempliċi u adatta, segwita mill-introduzzjoni ta' sistema aktar armonizzata ta' imposti bankarji u ta' FRB.

3.1.3   Il-KESE jqis li approċċ gradwali huwa aktar adatt u realistiku għax għandu l-potenzjal li jirrifletti l-modi differenti ta' kif il-kriżi finanzjarja affettwat lill-Istati Membri kif ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' kif indirizzaw il-kriżi:

L-Istati Membri daħlu fil-kriżi f'mumenti differenti u ġew affettwati b'modi differenti u b'limiti differenti. Qed joħorġu, jew ser joħorġu, mill-kriżi f'mumenti differenti u ż-żmien meta jkunu jistgħu jistabbilixxu l-FRB tagħhom stess ser ivarja.

Is-setturi finanzjarji ta' xi Stati Membri ma ġewx affettwati b'mod serju mill-kriżi finanzjarja u ma talbux għajnuna. Minflok, l-ekonomiji reali tagħhom intlaqtu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija b'xi dewmien. Is-setturi bankarji tagħhom, għalkemm sodi, għadhom qed isibuha diffiċli biex jevitaw kwalunkwe żvilupp ta' kriżi u fl-istess ħin huma mistennija jappoġġjaw l-irkupru. Dawn il-pajjiżi jistgħu jsibuha bi tqila biex jistabbilixxu FRB nazzjonali fi stadju meta ħafna mill-Istati Membri jkunu lesti li jagħmlu dan, anke minħabba l-fatt li uħud minnhom għandhom fondi ta' garanzija tad-depożiti (FGD) li jmorru lil hinn mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) u li jinkludu xi funzjonijiet ta' riżoluzzjoni bankarja.

3.1.4   Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-COM(2010) 579 finali, li tesplora “is-sinerġiji potenzjali bejn is-SGD u l-fondi tar-riżoluzzjoni”. Il-Kumitat jemmen li jekk tiġi estiża l-bażi li fuqha qed jiġu ffinanzjati l-fondi ta' garanzija tad-depożiti bħalissa, il-funzjonijiet ta' garanzija tad-depożitu u ta' riżoluzzjoni bankarja jistgħu jitwettqu minn fond wieħed mingħajr ma tiġi mhedda l-kapaċità tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u l-fondi tagħha biex tilħaq l-objettiv tagħha għall-protezzjoni tad-depożituri. Din l-esplorazzjoni hija adatta ferm għal dawk l-Istati Membri li l-fondi ta' garanzija tad-depożiti tagħhom diġà għandhom xi funzjonijiet preventivi u ta' riżoluzzjoni, u tgħaqqad iż-żewġ ambiti ġo fond uniku estiż.

3.1.5   Il-KESE jifhem l-argumenti tal-Kummissjoni favur Fond ta' Riżoluzzjoni pan-UE, kif ukoll it-tħassib tagħha dwar id-diffikultajiet involuti biex dan jiġi stabbilit u jqis li l-istabbiliment tiegħu huwa prematur u li ma japplikax f'dan l-istadju. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-passat u dawk reċenti, il-KESE għandu d-dubji dwar kemm Fond ta' Riżoluzzjoni tal-UE jista' jaħdem b'mod effiċjenti.

3.2   Il-finanzjament tal-FRB: l-imposta

3.2.1   Il-Kummissjoni tqis li l-FRB għandhom jiġu ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet jew imposti mħallsa mill-banek. Fil-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, intlaħaq ftehim li l-imposti bankarji għandhom jagħmlu parti minn qafas ta' riżoluzzjoni  (2) kredibbli u dan għandu jkun wieħed mill-prinċipji li fuqhom għandha tissejjes l-introduzzjoni tagħhom.

3.2.1.1   Għalkemm il-Komunikazzjoni tispjega li l-għan ewlieni tal-imposta għandu jkun li l-banek jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi, jitnaqqas ir-riskju sistemiku, tiġi llimitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinġabru fondi għal qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli, ma tagħtix definizzjoni ċara tagħha. F'dokument (3) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, it-terminu “imposta” huwa definit bħala “ħlas (tariffa jew taxxa) li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkollhom iħallsu biex jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-kriżi finanzjarja”: imposta hija kkunsidrata bħala tariffa meta tkun immirata lejn fondi barra l-baġit, filwaqt li hija kkunsidrata bħala taxxa meta tkun parti mill-baġit tal-gvern. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni ċara tat-terminu “imposta”.

3.2.2   Il-KESE jikkunsidra li l-kriterji għall-bażi u r-rata tal-imposta huma fost l-ostakli ewlenin biex jintlaħaq ftehim ġenerali u huwa konvint li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm qbil dwar bosta prinċipji bażiċi. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-bażi tal-imposta għandha tkun konformi mal-prinċipji elenkati fil-Komunikazzjoni, p.8. Għandu jiġi rikonoxxut li s-setturi finanzjarji nazzjonali jvarjaw f'termini ta' daqs, sistemi ta' governanza, effiċjenza ta' superviżjoni u livell ta' riskju. Abbażi ta' dawn id-differenzi, fil-bidu, l-Istati Membri jistgħu jingħataw ċerta flessibbiltà biex jikkunsidraw bażijiet differenti tal-imposta iżda wara dawn il-bażijiet tal-imposta għandhom jiġu armonizzati.

3.2.3   Il-Komunikazzjoni tqis li l-kontribuzzjonijiet/imposti jistgħu jkunu bbażati fuq tliet parametri: l-assi tal-banek, l-obbligazzjonijiet tal-banek u l-profitti u l-bonusijiet tal-banek. Peress li l-karta tal-bilanċ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiġbor il-kunsiderazzjonijiet tar-riskju aħjar minn kwalunkwe indikatur ieħor, il-KESE jqis li l-profitti u l-bonusijiet tal-banek huma bażi anqas adatta għall-kontribuzzjonijiet tal-banek. Dawn iż-żewġ bażijiet tal-imposti għandhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom u x'aktarx ikun adatt li jkun hemm taħlita tat-tnejn li huma.

3.2.3.1   L-assi tal-banek huma indikaturi tajbin tar-riskji tagħhom. Huma jirriflettu kemm l-eventwalità potenzjali tal-inadempjenza bankarja kif ukoll l-ammont li jista' jkollu jintefaq għall-maniġġ tar-riżoluzzjoni tal-bank. L-assi skont ir-riskju, kif issuġġerixxa l-FMI (4), jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll bħala bażi adatta għall-imposti peress li jistgħu jitqabblu fil-livell internazzjonali fid-dawl tal-aċċettazzjoni wiesgħa tal-ħtiġiet ta' kapital ta' Basel. Min-naħa l-oħra, peress li l-assi tal-banek huma soġġetti għall-ħtiġiet ta' kapital skont ir-riskju, imposta bbażata fuqhom tirdoppja l-effetti tal-ħiteġa għall-kapital tal-Kumitat ta' Basel.

3.2.3.2   Il-KESE jemmen li l-obbligazzjonijiet tal-banek, apparti d-depożiti ggarantiti u l-kapital tal-banek (pereżempju Tier 1 għall-banek) u inkluż xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, x'aktarx huma l-bażi l-aktar preferuta għall-kontribuzzjonijiet/l-imposti tal-banek (5). Huma indikatur tajjeb tal-kostijiet li jistgħu jkunu meħtieġa meta jkun hemm bżonn li jiġi riżolt bank, huma sempliċi u, għalkemm ma tistax tiġi eskluża għalkollox ċerta koinċidenza, ma jikkoinċidux daqs l-approċċ ibbażat fuq l-assi (6). Jistgħu jiġu esklużi wkoll obbligazzjonijiet oħrajn: id-debitu subordinarju, id-debitu ggarantit mill-gvern u t-transazzjonijiet tad-debitu bejn il-gruppi. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri diġà introduċew sistemi speċifiċi għall-imposti li l-bażijiet ta' imposta tagħhom ivarjaw b'mod konsiderevoli, jista' jkun li approċċ inizjali armonizzat, imsejjes fuq l-obbligazzjonijiet kollha u l-valutazzjoni kwalitattiva preċedenti, ikun iktar aċċettabbli.

3.2.4   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li tidher fid-dokument COM(2010) 579 finali, li kull fond ta' riżoluzzjoni bankarja għandu jirċievi kontribuzzjonijiet mill-istituzzjonijiet liċenzjati fl-istess Stat Membru, u li l-kontribuzzjoni għandha tkopri l-fergħat stabbiliti tagħhom fi Stati Membri oħra. Għalhekk, is-sussidjarji jkunu soġġetti għall-imposti tal-istat ospitanti u l-fergħat ikunu soġġetti għall-imposti tal-istat tal-oriġini. Jekk l-Istati Membri kollha jżidu l-imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li jsegwu dawn il-prinċipji, ir-riskji tal-fatturazzjoni doppja u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jiġu evitati.

3.2.5   Il-KESE jinsisti li għandha tingħata attenzjoni liż-żmien meta tiġi introdotta l-imposta fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa kemm il-banek kif ukoll l-ekonomija. Wara perjodu ta' kriżi finanzjarja severa, il-banek normalment jibiżgħu mir-riskju u, għal ftit snin, iżommu lura milli jsellfu minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali biex iħeġġuhom jikkontribwixxu għall-irkupru tal-ekonomija. Fl-istess ħin, il-banek ikollhom jassumu l-kostijiet tal-kapital ġdid u l-ħtiġiet tal-likwidità. L-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw perjodu ta' transizzjoni adegwat, konsistenti mal-analiżi rakkomandata mill-KESE fil-punt1.4 hawn fuq, sabiex isaħħu l-bażi tal-kapital tagħhom, jaġġustaw għas-sistema regolatorja ġdida u jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Fil-perjodu medju jista' jkun xieraq li jsiru xi aġġustament fir-rigward tar-rata bil-għan li jiġu kkunsidrati kwalunkwe żviluppi regolatorji fil-ġejjieni kif ukoll l-iżvilupp tal-qafas ta' riżoluzzjoni tal-UE.

3.3   Ambitu u daqs tal-FRB

3.3.1   L-ambitu u d-daqs tal-FRB jiddependu minn kif il-Kummissjoni tiddetermina l-kompitu tal-fondi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni ordnata tal-entitajiet f'diffikultà finanzjarja, inklużi l-banek. Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-fondi ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu disponibbli għar-riżoluzzjoni tal-banek, iżda l-użu tagħhom biex isalvaw lil istituzzjonijiet għandu jkun ċarament eskluż. Madankollu, il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li l-qafas ta' riżoluzzjoni tal-kriżi żviluppat mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq is-settur bankarju, peress li l-istituzzjonijiet finanzjarja kollha jistgħu jkunu ta' periklu għall-investituri meta jieħdu riskji kbar. Il-KESE jirrakkomanda li l-banek kollha u l-isitituzzjonaijiet finanzjarja ssorveljati kollha (minbarra l-entitajiet tal-assigurazzjoni, li bħalissa qed titħejja skema separata għalihom) għandhom ikunu parti mill-qafas ta' riżoluzzjoni (7). B'hekk jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jevita li jintbagħtu sinjali qarrieqa lill-opinjoni pubblika li parti biss tal-komunità finanzjarja hija responsabbli għall-kriżi.

3.3.2   Il-Komunikazzjoni għadha ma indikatx x'għandu jkun id-daqs tal-fondi – iżda indikat li s-settur finanzjarju għandu jħallas il-kostijiet kollha ta' riżoluzzjoni – jekk ikun hemm bżonn permezz ta' arranġamenti ta' finanzjament ex post. Il-problema ser tkun kif jista' jiġi kkalkulat id-daqs adatt identifikat skont il-pajjiż. Hawnhekk jinħolqu żewġ problemi: l-ewwel problema hi li l-iktar sistemi dgħajfa ser jitolbu, b'mod proporzjonat, għall-ogħla kontribuzzjonijiet, u b'hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni humiex ekwivalenti jew le. Il-problema l-oħra hi l-limitu ta' żmien li jintuża għall-kalkoli: il-limitu identifikat huwa kkalkolat abbażi tas-sitwazzjonijiet attwali u ta' prospettiva. Qabel ma jinkiseb il-limitu identifikat, is-sitwazzjoni tista' tkun laħqet inbidlet b'mod sostanzjali u għalhekk ikun hemm bżonn li jiġu aġġustati kemm il-mira kif ukoll il-kontribuzzjonijiet. Ir-regoli għandhom iqisu l-possibbiltà li jkun hemm tibdil fil-kundizzjonijiet u l-kalkoli inizjali. Barra minn hekk, peress li r-riskji jvarjaw matul iċ-ċiklu, ir-rata tal-imposta jkollha tiġi aġġustata biex is-sistema finanzjarja ssir anqas proċiklika.

3.4   L-indipendenza u l-governanza tal-FRB

3.4.1   Il-KESE japprova l-fehma tal-Kummissjoni li l-FRB għandhom jibqgħu separati mill-baġit nazzjonali. Il-KESE jaqbel li l-indipendenza funzjonali tagħhom mill-gvern tiżgura li jkopru biss miżuri ta' riżoluzzjoni, u xejn aktar. Madankollu, l-Istati Membri bħalissa qed jużaw żewġ approċċi differenti biex jallokaw il-fondi miġbura mis-settur finanzjarju. Pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Belġju u l-Isvezja jibbażaw fuq il-prinċipju li għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn id-dħul u l-ħlasijiet tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni. Pajjiżi oħra jippermettu li l-fondi miġbura mill-imposta jiġu assorbiti mill-baġit ġenerali billi m'hemm l-ebda rabta espliċita mal-qafas ta' riżoluzzjoni maħsuba għas-settur finanzjarju. L-arranġamenti li joħolqu stennijiet li l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jirċievu appoġġ mingħand il-gvern jistgħu jipperikolaw l-għan tal-qafas propost, li huwa li tiddaħħal riżoluzzjoni b'ordni ta' istituzzjonijiet finanzjarji fi problemi mingħajr l-użu ta' flus il-kontribwenti. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' fondi ta' riżoluzzjoni ddedikati jista' jwassal għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-settur finanzjarju fuq il-fondi pubbliċi u jnaqqas il-periklu morali tal-problema marbuta mal-istituzzjonijiet “kbar wisq biex ifallu” (too big to fail). Il-KESE huwa tal-fehma li, bħal fil-każ tal-fondi ta' garanzija ta' depożitu, il-flus li jinġabru mill-imposta għandhom ikunu taħt il-kontroll u l-governanza ta' awtoritajiet differenti minn dawk li jkunu responsabbli mill-affarijiet fiskali, pereżempju dawk inkarigati mill-governanza tal-Qafas ta' Stabbiltà Finanzjarja.

3.4.2   Qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar il-governanza tal-FRB, għandhom jingħataw tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li ġejjin:

il-fond jagħmel parti mir-regolament prudenzjali? jew

huwa maħsub bħala miżura fiskali, immirata lejn is-settur finanzjarju biex jikkontribwixxi għall-irkupru tal-flus tal-pubbliku li ntefqu? jew

m'huwa xejn aktar għajr manuvra fiskali, immirata lejn suq aktar trasparenti billi tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni finanzjarja?

Jekk il-Kummissjoni tqis il-FRB bħala miżura parafiskali u bħala parti mill-qafas ta' stabbiltà finanzjarja, għandha tiżgura li tfiehem dan sew għax ma jistax ikun hemm governanza tajba tal-FRB mingħajr fehim ċar dwar in-natura tagħha.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, 17 ta' Settembru 2010.

(2)  Kummissjoni Ewropea, DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi, Commission Services Non-Paper on Bank Levies for Discussion at the EFC Meeting on 31 August 2010, (Dokument informali tas-Servizzi tal-Kummissjoni dwar l-imposti bankarji, għal diskussjoni matul il-laqgħa tal-KEF, fil-31 ta' Awwissu) p. 4.

(3)  Grupp ta' Ħidma Ad Hoc dwar l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

(4)  FMI, A Fair and Substantial Contribution by the Financial Sector (Kontribut ġust u sostanzjali mis-settur finanzjarju), Rapport finanzjarju għall-G-20, Ġunju 2010, p. 17.

(5)  Il-FMI jippreferi sensiela wiesgħa ta' obbligazzjonijiet, inklużi xi affarijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ iżda apparti l-kapital u l-obbligazzjonijiet assigurati. Fid-dokument informali tagħha tal-20 ta' Awwissu, il-Kummissjoni tappoġġja wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-obbligazzjonijiet tas-suq. Erba' Stati Membri diġà adottaw approċċ ibbażat fuq obbligazzjonijiet divrenzjati.

(6)  Il-proposti tal-Kumitat ta' Basel jissorveljaw il-likwidità u r-riskji ta' trasfomazzjoni meħuda mill-banek.

(7)  Fil-COM(2010) 579 finali, il-Kummissjoni twiegħed li ser tapplika l-qafas tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżi fis-settur finanzjarju għal kull istituzzjoni ta' kreditu u xi kumpaniji tal-investiment mingħajr ma tagħti definizzjoni ċara ta' kumpaniji ta' investiment. Il-KESE jemmen li l-qafas ta' riżoluzzjoni għandu jiġi applikat għal kull istituzzjoni finanzjarja li qiegħda taħt superviżjoni.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew – ir-Regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli”

COM(2010) 301 finali

2011/C 107/04

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-2 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew – ir-Regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli

COM(2010) 301 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   “Hemm bżonn isir ħafna aktar fir-rigward tas-superviżjoni tas-settur bankarju. Jista’ jkollna l-aħjar regoli tad-dinja, għax jekk ma nissorveljawx l-implimentazzjoni tagħhom, kollox ikun inutli.”  (1)

1.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’mod favorevoli l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jemmen li r-regolamentazzjoni l-ġdida tas-swieq finanzjarji hija l-istrument indispensabbli għar-rilanċ ta' ekonomija sostenibbli.

1.3   Il-KESE jaħseb li l-attenzjoni fuq dawn il-problemi qed tonqos bil-mod il-mod, u l-ħtieġa li jiġu adottati b’mod urġenti l-miżuri proposti qed titqies b’mod differenti minn Stat għal ieħor, u ma jidhirx li għadha prijorità komuni.

1.4   Il-KESE jenfasizza u jtenni l-importanza li jintlaħaq ftehim internazzjonali, filwaqt li jiżdiedu l-isforzi. Madankollu jemmen li huwa essenzjali u neċessarju li l-proċess mibdi mill-istituzzjonijiet Ewropej jiġi konkluż malajr u b’mod pożittiv, mingħajr ma jiddependi minn qafas ta' ftehimiet internazzjonali li, kif sfortunament deher anke dan l-aħħar, huma ’l bogħod wisq milli jintlaħqu.

1.5   Il-KESE huwa favur il-miżuri proposti, filwaqt li qed jistenna dawk li għadhom qed jiġu definiti, bħar-reviżjoni ppjanata tal-MiFID, li hija importanti sabiex jiġu garantiti l-affidabilità u t-trasparenza tas-swieq kif ukoll il-fiduċja tal-investituri, u li fuqhom ser jintalab jesprimi l-fehma tiegħu.

1.6   Il-KESE jappoġġja b’mod attiv l-isforzi tal-Kummissjoni biex jitlesta l-proċess leġislattiv. Il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-KESE r-responsabbiltà li jippromovi l-proposti li qed jiġu diskussi u l-abbozzi ta' regolamentazzjonijiet ġodda fost l-organizzazzjonijiet soċjali u ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji fuq livell nazzjonali.

1.7   L-Istati Uniti taw impuls kbir bil-promulgazzjoni tad-Dodd Frank Act, il-liġi li tirregola s-swieq finanzjarji Amerikani, u ħolqu l-bażi għal konverġenza aktar b’saħħitha fuq livell dinji. Ħafna punti ġew indirizzati biss f’qafas regolatorju, u d-definizzjoni tal-leġislazzjoni ġiet delegata lill-awtoritajiet kompetenti jew tħalliet għall-ħidma sussegwenti dwar id-dettalji, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri speċifiċi li diġà huma dettaljati. Fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ proċessi għandhom iwasslu għall-objettivi b’mod parallel.

1.8   Il-KESE jemmen li ċerti għażliet oriġinali tal-leġislazzjoni Amerikana huma pożittivi, u jipproponi li l-Kummissjoni tniedi studju fil-fond dwar il-proposta li tinħoloq Awtorità tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tas-Servizzi Finanzjarji. Madankollu, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li tiġi studjata l-possibbiltà li awtorità bħal din tingħata aktar awtonomija.

1.9   Huma interessanti u għandhom jiġu evalwati wkoll id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti dwar kif għandha tiġi indirizzata l-idea “wisq kbar biex ifallu” (too big to fail), li tista’ tpoġġi l-ġestjoni tar-riskji f’periklu morali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa attentament il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri simili, li jidhru inċiżivi u dissważivi fir-rigward tal-imġiba imprudenti u partikolarment riskjuża ta' ċerti maniġers tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li jistgħu jkunu siewja biex tinkiseb ġestjoni aħjar tar-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

1.10   Ir-reviżjoni leġislattiva kollha għandha tiġi konkluża sal-2011 u għandha tkun operattiva għalkollox mill-2013. Dan ser ikun possibbli jekk ma jinqalgħux problemi u jekk il-pjan direzzjonali jiġi rispettat minn kulħadd. Il-KESE però huwa preokkupat u jibża’ li dan ma jiġrix. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Parlament u lill-Kunsill jagħtu preferenza lill-atti kollha marbuta mar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji. Il-kriżi finanzjarja bdiet fl-2007 u dak iż-żmien diġà kien ħareġ fid-dieher il-bżonn li tiġi indirizzata bis-serjetà r-regolamentazzjoni tas-swieq. Il-ħofra diġà belgħet aktar minn żewġ biljun dollaru, ikkawżat ħafna fallimenti u wasslet biex jintilfu minn tal-inqas tletin miljun post tax-xogħol, bi prospetti li jintilfu 400 000 000 post tax-xogħol ieħor, skont id-direttur tal-FMI. Fis-settur finanzjarju biss, minn tal-inqas 500 000 persuna tilfu xogħolhom madwar id-dinja kollha. U oħrajn għadhom qed jitilfuh jew ser jitilfuh.

1.11   Il-KESE jitlob regolament b’saħħtu, komprensiv, effiċjenti u bbilanċjat. Biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi, il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-fond dwar l-inizjattivi regolatorji kumulattivi għall-miżuri neċessarji fuq is-sistema finanzjarja u s-suq tal-kapital. Sistema stabbli u effiċjenti għandha tippromovi stabbiltà finanzjarja u likwidità għall-ekonomija reali

1.12   .Is-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali għandha tkompli tinsisti mal-awtoritajiet u l-poteri pubbliċi biex itemmu minnufih l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda fil-qasam finanzjarju. Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-KESE jassumi l-inizjattiva li jxerred fl-Istati Membri l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet rapidi u globali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta' inizjattivi pubbliċi fuq il-post li jinvolvu lill-partijiet soċjali, lill-awtoritajiet ekonomiċi, u lill-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Fil-Komunikazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli, il-Kummissjoni tippreżenta l-objettivi milħuqa u pjan direzzjonali għall-inizjattivi leġislattivi futuri, filwaqt li tressaq l-erba’ prinċipji gwida li jispiraw l-attività tagħha: it-trasparenza, is-superviżjoni effettiva, ir-reżiljenza u stabbiltà finanzjarja mtejba, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

2.2   “Sistema finanzjarja aktar sikura, aktar b’saħħitha, aktar trasparenti u aktar responsabbli, li taħdem favur l-ekonomija u s-soċjetà globalment u li tista’ tiffinanzja l-ekonomija reali […] hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Hija essenzjali biex issaħħaħ l-isforzi li qed tagħmel l-Ewropa biex tikkonsolida l-finanzi pubbliċi u biex twettaq riformi strutturali li fil-ġejjieni se jwasslu għal ekonomija vibranti.” Dawn huma l-linji gwida tal-attività leġislattiva tal-Kummissjoni.

2.3   F’dan id-dokument il-Kummissjoni tfakkar fl-istadji, mill-kriżi l-kbira f’Settembru 2008, li wasslu għal qafas regolatorju ġdid u strutturat.

2.4   F’Novembru 2008 kien diġà twaqqaf il-grupp ippresedut minn Jacques de Larosière u ttieħdu xi inizjattivi urġenti, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-adegwatezza tal-kapital u d-Direttiva dwar skemi ta' garanzija għal depożiti. Ġie adottat ukoll Regolament dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u ġew ippreżentati żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji tar-rimunerazzjoni.

2.5   B’segwitu għall-proposti fir-rapport tal-grupp, il-Kummissjoni adottat sensiela ta' proposti li ħafna minnhom għadhom qed jiġu diskussi mill-korpi politiċi tal-Unjoni, il-Kunsill u l-Parlament.

2.6   Il-Kummissjoni tappella għal impenn leġislattiv koerenti sabiex tiġi konkluża l-proċedura tal-miżuri proposti kollha bil-għan li jiġu trasposti sa tmiem l-2012.

3.   Kummenti tal-KESE

3.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) esprima f’diversi opinjonijiet il-fehma tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet li kien beħsiebha tadotta l-Kummissjoni. Beda l-ewwel bil-pakkett suġġerit mill-grupp de Larosière u mbagħad kompla bil-miżuri individwali.

3.2   F’diversi każi, ħafna mis-suġġerimenti u l-kummenti tal-Kumitat intlaqgħu tajjeb u r-riżultat finali li ħareġ minnhom jidher li huwa adegwat u suffiċjenti: iżda dan kollu ser jirnexxilu jikseb lura l-fiduċja fis-swieq u fl-istituzzjonijiet superviżorji kif ukoll fl-awtoritajiet pubbliċi, li fil-passat b’xi mod jew ieħor appoġġjaw mudell liberali ħafna għaliex kienu konvinti li s-suq kien ser jirregola ruħu waħdu? Din l-illużjoni laqtet mhux biss lill-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda wkoll lil xi rappreżentanti importanti tal-Kummissjoni Ewropea. Is-swieq għandhom it-tendenza li joxxillaw b’mod irrazzjonali bejn l-istmellija tar-riskju u l-propensità għar-riskju. Il-kompitu diffiċli hu li jitnaqqsu dawn l-oxxillazzjonijiet mingħajr ma jitkissru s-swieq.

3.3   B’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tirrikonoxxi b’mod indirett l-iżbalji tal-passat, żbalji li l-KESE kien indika fil-pront. Fiha tfassal pjan direzzjonali virtuż u sostanzjalment komplut għat-tfassil mill-ġdid tal-arkitettura regolatorja tas-superviżjoni, tal-istabbiltà u tat-trasparenza tas-swieq. Hija ħidma importanti u l-Kumitat jirrikonoxxi bil-qalb kollha l-kwalità tal-ħidma li twettqet s’issa.

3.4   Il-Parlament Ewropew ta kontribut kbir biex jissaħħu u jittejbu t-testi proposti, u kultant appoġġja l-istess bidliet li ressaq il-Kumitat, u ppermetta li jinħarġu regolamenti u direttivi li jidhru effikaċi u koerenti.

3.5   Fil-fażi tal-applikazzjoni però hemm xi problemi. Pereżempju, fl-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), li tissorvelja s-suq tal-assigurazzjonijiet u l-fondi tal-pensjonijiet, huwa fundamentali li jiġu rikonoxxuti u protetti l-ispeċifiċitajiet taż-żewġ setturi; u b’mod partikolari huwa essenzjali li jiġi garantit li s-settur tal-pensjonijiet jiġi ttrattat bl-istess mod bħal dak tal-assigurazzjonijiet.

3.6   Il-Kunsill, mingħajr ma kien mistenni, qeda rwol inqas pożittiv meta sforza lill-Kummissjoni tirrevedi xi proposti tajbin, bħal fil-każ tal-awtoritajiet superviżorji. Madankollu, il-kompromess milħuq, bis-saħħa tal-ħidma tal-Parlament u tal-Kummissjoni, kien pożittiv, iżda dan seta’ jsir aħjar u qabel, mingħajr il-veto reċiproċi li kien hemm fuq il-miżuri individwali.

3.7   Iżda sar dak kollu li kellu jsir fiż-żmien opportun?

3.8   L-Istati Uniti tal-Amerika, bid-Dodd Frank Act (2), li ħareġ fil-21 ta' Lulju 2010, irrispondew b’mod aktar kumplessiv u rapidu għat-talba ta' regolamentazzjoni u ta' protezzjoni min-naħa tal-aktar parti dgħajjfa tas-suq, jiġifieri l-konsumaturi. Naturalment hemm bżonn li jitqies il-proċess aktar bil-mod tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Ewropa u l-fatt li l-fornituri Ewropej jiffaċċjaw b’mod dettaljat l-aspetti uniċi, filwaqt li fil-liġi Amerikana jkun hemm referenza għal liġijiet u regolamentazzjonijiet suċċessivi. Huwa importanti li l-proċessi javvanzaw b’mod ibbilanċjat u simultanju, sabiex tingħata risposta kkoordinata għar-regolamentazzjoni l-ġdida.

3.9   Fl-analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-KESE beħsiebu jqabbel iż-żewġ approċċi, jivvaluta d-diversi risposti li jingħataw għal kull tema u jqis jekk f’xi każ jistgħux jiġu adottati xi eżempji min-naħa l-oħra tal-Atlantiku fir-regolamentazzjoni tagħna.

3.10   Eżempju li jrid jiġi studjat huwa l-ħolqien ta' awtorità federali tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Bureau of Consumer Financial Protection). Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tanalizza fil-fond il-possibbiltà li tiġi inkluża awtorità simili fis-sistema Ewropea.

3.10.1   L-awtorità prevista mill-Istati Uniti tagħmel parti mir-Riserva Federali u għandha poteri importanti li jinkludu parti kbira tal-funzjonijiet li qabel kienu jwettqu regolaturi oħra, b’konformità mal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Din l-awtorità ser ikollha poteri esklużivi biex tikkontrolla li tiġi rrispettata l-leġislazzjoni dwar l-attivitajiet li jwettqu l-intermedjarji li għandhom profitt ta' aktar minn 10 biljun dollaru. Ser ikollha poteri kondiviżi mal-awtoritajiet l-oħra ta' sorveljanza meta l-profitt tal-intermedjarji jkun anqas minn 10 biljun dollaru.

3.10.2   Il-KESE jemmen li għandhom jiġu analizzati b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

fl-Istati Uniti, il-Bureau jagħmel parti mir-Riserva Federali. Għalkemm dan jista’ jiġi ġġustifikat mill-esiġenza li jiġu limitati l-ispejjeż amministrattivi tal-awtorità, sa ċertu punt jista’ jkun ta' ħsara għall-awtonomija u l-indipendenza tiegħu. Għalhekk il-KESE jqis li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata pożizzjoni aktar awtonoma għal din l-awtorità;

f’xi ċirkostanzi, il-poteri ta' din l-awtorità jistgħu jmorru kontra l-poteri tal-awtorità ta' kontroll tal-intermedjarji finanzjarji. Jeħtieġ li tiġi stabbilita, mill-bidu nett, ġerarkija tal-prijoritajiet biex jiġu evitati kontroversji eventwali peress li, għalkemm l-istabbiltà tal-intermedjarji u tas-swieq hija importanti, daqstant ieħor hija importanti l-protezzjoni tal-investituri mhux professjonali. Il-ħtieġa li jiġu protetti l-investituri ma tistax tingħata anqas importanza minn kwalunkwe prinċipju ieħor. Fil-fatt, biex ikun sostenibbli, it-tkabbir għandu jqiegħed fil-qalba tas-sistema l-bżonnijiet u l-protezzjoni tal-aktar individwi dgħajfa;

huwa importanti li ssir enfasi fuq is-servizzi u l-prodotti finanzjarji pjuttost milli fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji biss. L-awtorità għandu jkollha l-ġurisdizzjoni tagħha u għandha tkun tista’ tintervjeni kull darba li jiġu offruti servizzi jew prodotti finanzjarji lill-pubbliku, anke meta dawn ma jinvolvux b’mod partikolari l-intermedjarji finanzjarji li diġà jkunu soġġetti għal forom oħra ta' kontroll.

3.11   Punt importanti ieħor li għandu jiġi enfasizzat jikkonċerna r-regoli kollha maħsuba biex jiġġieldu kontra l-periklu morali tal-kumpaniji meqjusa “kbar wisq biex ifallu”. L-għażliet li għamel f’dan ir-rigward il-leġislatur Amerikan huma inċiżivi u b’saħħithom: il-possibbiltà ta' intervent minn qabel billi jiġi ordnat il-bejgħ ta' ċerti partijiet tal-intrapriża biex jiġu evitati riskji sistemiċi u l-obbligu li jitfassal pjan ta' diżattivazzjoni tal-konglomerati li għandhom firxa wiesgħa ta' attivitajiet jew li huma tant kbar li jagħmlu kwalunkwe intervent problemtaiku. Huwa previst li dawn il-miżuri japplikaw ukoll għall-intrapriżi relatati stabbiliti f’pajjiżi oħra, u għalhekk jinfluwenzaw l-attività ta' xi atturi importanti bbażati fl-UE.

3.11.1   Il-ħolqien tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huwa pass f’din id-direzzjoni. Il-limitazzjoni tal-poter ta' gruppi kbar huwa ta' benefiċċju għal bosta raġunijiet. Dan mhux biss inaqqas ir-riskju sistemiku li jippermetti l-inadempjenza tal-banek amministrati ħażin, iżda jippromovi wkoll il-kompetizzjoni li min-naħa tagħha għandha tikkontrolla r-rati tal-interessi billi tiffaċilita l-aċċess tal-klijenti għall-kreditu. Dawn l-ideat diġà kienu tqajmu fil-passat u, probabbilment, ir-regolaturi kien imisshom irriflettew fuqhom f’aktar dettall, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur finanzjarju li m’għandux il-limitazzjonijiet fiżiċi ta' setturi oħra tal-produzzjoni.

3.11.2   Għalkemm id-daqs huwa aspett importanti ħafna, m’għandux jintesa l-fatt li d-daqs ma jiddeterminax ir-rilevanza sistemika ta' intermedjarju. Din tiddependi wkoll mill-funzjonijiet li jaqdi fi ħdan is-sistema, mill-fatt li ma jistax jiġi sostitwit kif ukoll mill-interazzjonijiet fi ħdan il-grupp fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Xi intermedjarji, indipendentament mill-kobor eċċessiv tagħhom, jistgħu jfallu simultanjament għax ikunu soġġetti għall-istess riskji.

3.11.3   Rigward ir-regolamentazzjoni finanzjarja, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbilanċjat. Il-KESE jenfasizza l-benefiċċji sustanzjali fit-tul ta' regolamentazzjoni aktar stretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-istabbiltà finanzjarja, it-tkabbir ekonomiku u l-effiċjenza tal-ekonomija reali

3.12   Uħud mill-miżuri inklużi fir-regolamentazzjoni finanzjarja l-ġdida tal-Istati Uniti jinkludu: sistema avvanzata ta' twissija għar-riskji sistemiċi l-kbar, ir-regolamentazzjoni tas-sistema nonbankarja, il-ħolqien ta' Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, leġislazzjoni effikaċi dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, miżuri ta' trasparenza u garanziji ta' serjetà għall-istrumenti mhux komuni, inkluż għas-swieq barra l-Borża (Over the Counter markets), it-titolizzazzjoni permezz tat-titoli abbażi ta' assi (asset-backed securities) u l-fondi spekulattivi (Hedge Funds).

L-Unjoni Ewropea kienet minn tal-ewwel li rreaġixxiet għall-kriżi u enfasizzat il-ħtieġa għal koordinazzjoni internazzjonali, essenzjali sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali.

3.13   Jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk l-awtoritajiet fil-pajjiżi differenti humiex jirreaġixxu b’mod omoġen u koerenti peress li waħda mill-akbar problemi kienet dik tan-nuqqas ta' simetrija regolatorja bejn id-diversi swieq finanzjarji.

3.14   L-Ewropa għandha tevita iktar dewmien fit-tlestija tal-proċess ta' riforma tagħha – li għandu jiġi traspost fil-leġislazzjoni nazzjonali mill-2013 – sabiex l-intrapriżi u s-sistema finanzjarja Ewropea ma jiġux penalizzati, li f’għajnejn l-investituri internazzjonali mhumiex irregolati b’mod effettiv minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri u l-ineffiċjenza tal-mudell leġislattiv.

3.15   Minkejja l-isforzi kollha tal-Kummissjoni biex tipprova tirregola b’mod uniformi s-suq intern, hemm interessi ekonomiċi u politiċi b’saħħithom li jagħmluha dejjem aktar diffiċli li tiġi stabbilita sistema Ewropea effikaċi u ddettaljata ta' superviżjoni.

3.16   Anke dan l-aħħar, il-KESE fakkar fil-ħtieġa li jissaħħaħ minnufih il-qafas leġislattiv u regolatorju u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Is-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali għandha tkompli tinsisti mal-awtoritajiet u l-poteri pubbliċi biex jadottaw minnufih ir-regoli l-ġodda fil-qasam finanzjarju. Il-KESE għandu rwol verament importanti x’jaqdi, direttament kif ukoll permezz tal-organizzazzjonijiet li huma msieħba fihom il-membri tiegħu, li għandhom jistimolaw dibattitu konxju u responsabbi fl-Istati Membri. Il-ġejjieni ta' ekonomija sostenibbli ġdida, ta' swieq finanzjarji ddedikati għall-iżvilupp ibbilanċjat, għat-tkabbir sostenibbli ser jiddependi ħafna mill-kwalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli aktar effikaċi u aktar stretti sabiex is-suq jintroduċi mill-ġdid dimensjoni etika fil-kodiċi ta' kondotta tiegħu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt u dwar il-miżuri li ġew adottati; tgħid biss li dan il-proċess sar. Imma min huma l-partijiet interessati? Jekk il-Komunikazzjoni qed tirreferi għall-konsultazzjoni elettronika tas-soltu, li żgur kienet ta' interess għall-industrija u għal xi gruppi ta' esperti, innominati dejjem mis-sistema finanzjarja, iżda ta' interess marġinali għad-dinja tax-xogħol u għall-konsumaturi, għad jonqos bilanċ ġenwin bejn id-diversi interessi li kellhom jiġu involuti mill-bidu nett tal-isforzi ta' riforma.

4.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni ikbar lill-korpi tas-soċjetà ċivili u biex tiżgura li jiġu involuti b’mod effettiv. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tuża l-isforzi tagħha stess b’mod aktar effikaċi għal koordinazzjoni internazzjonali mtejba bejn il-korpi demokratiċi tal-pajjiżi membri kollha tal-UE. Jinħtieġ programm serju, b’finanzi adegwati, biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu involuti f’dan il-proċess u jiġu infurmati dwar xi tibdil diffiċli iżda neċessarju.

4.3   L-effetti kumulattivi tad-diversi inizjattivi leġislattivi mhumiex indikati b’mod ċar, b’mod partikolari għax il-miżuri mhumiex ikkunsidrati fil-kuntest tagħhom u għax uħud minnhom (Basel 3, il-prinċipji futuri tal-kontabbiltà internazzjonali) ser jitwettqu minn korpi terzi, bħall-Kumitat ta' Basel jew l-IASB (3).

4.4   Il-KESE jitlob regolament b’saħħtu, komprensiv, effiċjenti u bbilanċjat. Biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi, il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-fond dwar l-inizjattivi regolatorji kumulattivi għall-miżuri neċessarji fuq is-sistema finanzjarja u s-suq tal-kapital. Sistema stabbli u effiċjenti għandha tippromovi stabbiltà finanzjarja u likwidità għall-ekonomija reali. Il-Kummissjoni ser ikollha tiffaċċja l-kompitu diffiċli li, fil-kuntest tar-reviżjoni globali tal-arkitettura kollha għar-regolamentazzjoni tas-swieq, tikseb l-aqwa bilanċ possibbli bejn il-miżuri prudenzjali, it-tisħiħ tal-ħtiġijiet tal-kapital, kopertura mtejba u klassifikazzjoni tar-riskji u żvilupp tal-ekonomija. Dan ser ikollu jsir f’kuntest fejn il-kriżi finanzjarja u ekonomika ġiet aggravata ħafna minħabba l-miżuri ta' aġġustament tal-baġits pubbliċi.

4.5   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar biex tasal għal direzzjoni komuni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ewlenin b’mod speċjali mal-pajjiżi tal-G-20.

4.6   Skont il-Kummissjoni għad hemm tletin proposta leġislattiva ġdida biex jiġu diskussi u adottati sal-aħħar tas-sena d-dieħla, iżda dawn għadhom ma jidhrux fl-aġenda tal-ħidma tal-Parlament. Il-KESE jinsab imħasseb u għandu dubji kbar dwar kemm dan il-programm jista’ jitwettaq fil-verità. Iż-żewġ presidenzi li jmiss tal-Unjoni ser ikollhom kompitu kumpless ħafna xi jwettqu u r-rwol tal-President tal-Unjoni, li għandu jiggarantixxi l-kontinwità u l-effikaċja tal-azzjonijiet, għadu ma ġiex implimentat. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jittrattaw b’mod preferenzjali l-miżuri dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq, li ilhom mistennija ħafna.

4.7   Il-KESE lest jappoġġja lill-Kummissjoni f’dan il-proċess u li jikkontribwixxi għat-titjib tar-regolamentazzjoni permezz tal-opinjonijiet tiegħu u konsultazzjoni kontinwa u diretta. Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-KESE jieħu l-inizjattiva li jxerred fl-Istati Membri l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet rapidi u globali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta' inizjattivi pubbliċi fuq il-post li jinvolvu lill-partijiet soċjali, l-awtoritajiet ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji. Il-KESE, flimkien man-netwerk ta' KES nazzjonali u internazzjonali, jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-andament pożittiv ta' dan il-proċess permezz ta' azzjoni bil-għan li:

jinżamm livell għoli ta' superviżjoni;

tissaħħaħ il-koordinazzjoni Ewropea u internazzjonali;

jinfirxu l-proposti li bħalissa qed jiġu diskussi fil-livell Ewropew;

jikkontribwixxi l-għarfien espert u l-kompetenza tiegħu f’dan ir-rigward.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  D. Strauss-Kahn, Agadir, 1 ta' Novembru 2010.

(2)  Pub.L. 111-203, H.R. 4173.

(3)  Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għat-tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà”

COM(2010) 607 finali – 2010/0301 (COD)

2011/C 107/05

Relatur uniku: is-Sur RANOCCHIARI

Nhar l-10 ta' Novembru 2010, il-Parlament Ewropew u, nhar l-24 ta' Novembru 2010, il-Kunsill, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2000/25/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għal tratturi mqiegħda fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà

COM(2010) 607 finali – 2010/0301 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa konvint li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ħsara tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidu tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati mill-magni ta' tratturi maħsuba għall-agrikoltura u għall-foresterija huwa indispensabbli biex jintlaħqu l-livelli ta' kwalità tal-arja previsti mill-UE.

1.2

Il-Kumitat huwa daqstant ieħor konvint li, speċjalment f'perjodu ta' kriżi globali, fil-qasam finanzjarju, ekonomiku u tax-xogħol, hemm bżonn li l-industrija Ewropea li tipproduċi t-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija tiġi ggarantita l-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista' tiżviluppa tratturi ġodda mingħajr piżijiet ekonomiċi eċċessivi li mhumiex tollerabbli fis-sitwazzjoni ekonomika attwali.

1.3

Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li twassal għal 50 % il-perċentwali tal-flessibbiltà li fil-bidu kienet prevista għal 20 %, billi jiżdiedu b'mod proporzjonat il-kwantitajiet fissi individwati b'mod speċifiku għall-benefiċċju tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

1.4

Il-KESE jqis li l-impatt ambjentali taż-żieda fil-flessibbiltà ma jiddependix minn kemm iddum l-iskema, iżda jirrakkomanda li tiġi stabbilita data tal-għeluq għall-istadji li għalihom din għada ma ġietx stabbilita. Għaldaqstant, jikkunsidra li hemm bżonn li jiġi stabbilit perjodu fiss komuni għall-kategoriji kollha ta' qawwa għall-Istadju IIIB u għal dawk futuri, li jkun daqs l-iqsar perjodu bejn tliet snin jew it-tul tal-istess stadju.

1.5

Il-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi ta' adattament u ż-żmien marbut mal-passaġġ minn stadju għall-ieħor huma partikolarment diffiċli u impenjattivi għall-SMEs, peress li l-ispejjeż previsti biex it-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jiġu ddisinjati mill-ġdid, bit-twaħħil ta' magni ġodda, u speċjalment l-ispejjeż meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għall-valutazzjoni tal-konformità, ovvjament, jidhru ta' piż ħafna akbar għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali l-kbar.

1.6

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta li għall-SMEs biss tiġi riżervata kwantità fissa ta' magni eżentati.

1.7

Il-Kumitat iqis fundamentali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali fis-settur, bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi.

1.8

Il-Kumitat huwa konvint li l-aħjar post fejn tista' ssir din l-armonizzazzjoni huwa fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari fil-qasam tal-Ftehim Globali dwar l-Armonizzazzjoni tal-1998.

1.9

Il-Kumitat itenni l-ħtieġa li l-emissjonijiet tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jiġu ssorveljati fil-kundizzjonijiet reali fejn jintużaw aktar milli permezz ta' prova teoretika fuq il-bank tal-prova u jappella lill-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposti dwar pjani ta' kontroll fis-servizz (in-service conformity).

1.10

Il-Kumitat iqis li s-sistemi elettroniċi għandhom rwol essenzjali fil-kontroll ta' kif jaħdmu l-magni u tas-sistemi ta' wara t-trattament meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali stabbiliti.

1.11

Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta miżuri li jipprojbixxu li s-software tal-kontroll jitbagħbas u jimponu l-adozzjoni ta' sistemi li jnaqqsu l-prestazzjoni tat-tratturi għall-agrikoltura, jekk il-manutenzjoni tas-sistemi ta' wara t-trattament ma tkunx saret b'mod korrett.

2.   Daħla

2.1

Id-Direttiva 2000/25/KE tittratta magni li jitqabbdu bil-kompressjoni (compression ignition), b'qawwa ta' bejn it-18 kW u l-560 kW, intiżi biex jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija. Din tistabbilixxi l-limiti għall-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati. Għad-diversi stadji, id-Direttiva tistabbilixxi valuri għal limiti ta' emissjonijiet dejjem aktar stretti, previsti għall-adattament tal-livelli massimi li joħorġu mill-egżost u tal-partikolat. L-istadji li ġejjin u li diġà ġew iffissati huma msemmija IIIB (li jibda fl-1.1.2011) u IV (li jibda fl-1.1.2014). Għall-magni bejn is-37 u s-56 kW ma ġewx stabbiliti rekwiżiti marbutin mal-Istadju IV, filwaqt li għall-magni l-oħra kollha ta' qawwa akbar għad ma ġiex stabbilit stadju wara l-IV. Peress li huwa kkunsidrat li t-tul ta' stadju jibda mid-data tal-applikazzjoni obbligatorja tar-rekwiżiti tiegħu sal-bidu tal-obbligu tar-rekwiżiti tal-istadju suċċessiv, wieħed jista' jqis li llum xi stadji (marbutin ma' gruppi speċifiċi ta' qawwa) m'għandhomx limitu ta' żmien.

2.2

Ir-regoli dwar l-emissjonijiet tal-egżost tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ġew emendati fl-2005. Din l-emenda daħħlet skemi ta' flessibbiltà li jippermettu li jiġu adottati limiti ambizzjużi ħafna fuq l-emissjonijiet, li jidħlu f'qasir żmien u li jimxu mal-limiti ffissati fl-Istati Uniti. Iżda, stabbiliet ukoll, tal-anqas b'mod parzjali u ssemplifikat, mekkaniżmi ta' flessibbiltà li jixbħu lil dik il-leġislazzjoni biex jillimitaw il-piż fuq ir-riżorsi ekonomiċi u umani tal-produtturi. Leġislazzjonijiet oħra fis-settur, bħal fiċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, ma jipprevedux dawn il-mekkaniżmi iżda għandhom skadenzi ħafna aktar fit-tul.

2.3

Is-sistema adottata fl-UE tippermetti li kull produttur tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jkun jista', waqt stadju partikolari, jixtri mill-fornituri tal-magni tiegħu għadd limitat ta' magni li huma konformi mal-istadju preċedenti. In-numru ta' magni jiġi ffissat darba, fil-mument tat-talba fuq il-bażi ta' żewġ kriterji:

Perċentwali tal-bejgħ (medja) tat-tratturi fil-ħames snin preċedenti.

Kwantità fissa li, minħabba ċ-ċokon tagħha, hija indirizzata lill-SMEs.

Għaldaqstant, il-kwantità tal-magni li jidħlu fl-iskema tal-flessibbiltà hija indipendenti minn kemm iddum l-iskema.

2.4

Reċentement, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/26/UE tal-31 ta' Marzu 2010, li temenda d-Direttiva 97/68/KE dwar l-emissjonijiet tal-magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, fost id-dispożizzjonijiet l-oħra, ħaffet il-proċedura amministrattiva għat-talbiet u l-kontroll fil-qasam tal-iskema tal-flessibbiltà, fl-ispirtu ta' semplifikazzjoni leġislattiva f'waqtha.

2.5

Din il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-piż eċċezzjonali impost fuq il-kumpaniji produtturi mill-Istadju IIIB, li l-ewwel nett jimponi b'mod ġeneralizzat l-adozzjoni ta' sistemi ta' wara t-trattament tal-egżost tal-magni. Dawn it-teknoloġiji, anke jekk diġà huma magħrufin u użati fis-settur tat-trasport ta' tagħbija tqila, iridu jiġu riveduti kompletament biex jieħdu kont tal-kundizzjonijiet ta' ħidma diffiċli ferm tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija. It-tratturi stess imbagħad iridu jiġu ddisinjati mill-ġdid biex ikunu jistgħu jaċċettaw is-sistemi ta' wara t-trattament.

2.6

Min-naħa l-oħra, mill-2009, l-industrija Ewropea li tipproduċi t-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija ntlaqtet b'mod sostanzjali mir-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Din il-kriżi, minkejja li qed turi l-ewwel sinjali ta' rkupru fl-istatistika, għad għandha effetti kbar fuq il-livell soċjali u fuq kollox dak tal-impjiegi.

2.7

Il-proposta li tiżdied il-flessibbiltà hija limitata biss għall-Istadju IIIB li jikkoinċidi mal-perjodu l-aktar gravi tal-kriżi globali.

2.8

Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi limitu ta' żmien wieħed għall-għeluq tal-iskemi tal-flessibbiltà tal-Istadju IIIB, bil-maqlub tal-prinċipju tad-dħul gradwali tal-istadju skont il-kategoriji differenti tal-qawwa tal-magni.

2.9

Filwaqt li l-iffissar ta' data għall-għeluq tal-iskema tal-flessibbiltà hija raġonevoli għall-gruppi ta' qawwa b'perjodu illimitat (ara punt.2.1) u għalhekk bla skadenza, ma jidhirx li jkun xieraq li t-tul tal-perjodu għall-kategoriji ta' qawwa l-oħra ma jkunx uniformi u jvarja minn tliet snin sa sena waħda biss. Normalment, il-ġustifikazzjoni għal din l-għażla hija t-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent; fil-fatt, il-kwantità totali tal-magni li jidħlu fi skema tal-flessibbiltà jiġi deċiż fil-bidu tal-iskema stess skont il-perċentwali tal-bejgħ medju li jsir mill-produttur fis-snin preċedenti għat-talba tiegħu, jiġifieri tiġi stabbilita kwantità fissa u din il-kwantità ma tinbidilx skont it-tul tal-perjodu tal-iskema. Is-soltu, produttur jitlob din il-kwantità u għalhekk huwa possibbli li l-impatt tad-dispożizzjoni fuq l-ambjent jiġi vvalutat. Għalhekk, it-tul tal-perjodu tal-iskema tal-flessibbiltà m'għandu ebda impatt ieħor fuq l-ambjent peress li l-kwantità tal-magni li jkunu eżentati jkun stabbilit minn qabel.

2.10

Biex jiġu evitati diverġenzi li mhumiex ġustifikati bejn gruppi ta' magni b'qawwa differenti hemm bżonn li jiġi stabbilit perjodu uniformi għall-iskemi tal-flessibbiltà, għall-kategoriji kollha ta' qawwa tal-magna u dan l-approċċ għandu jiġi estiż għall-istadji kollha li m'għandhomx perjodu fiss, bħall-Istadju IV, billi tiġi emendata l-proposta tal-Kummissjoni.

2.11

Biex jitħares l-iżvilupp tal-industrija fil-kuntest ta' protezzjoni ambjentali, hemm bżonn li:

tinżamm il-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija, billi jitnaqqsu l-pressjonijiet immedjati tal-kriżi ekonomika;

l-industrija tkun tista' tkompli tiffinanzja l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, għal kull tip ta' prodott matul l-Istadju IIIB, speċjalment dawk intiżi li jissodisfaw ħtiġijiet partikolari;

l-emissjonijiet tat-tratturi fiċ-ċirkolazzjoni jiġu limitati permezz ta' inċentivi biex it-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija li għadda żmienhom jinbidlu ma' dawk li għandhom impatt baxx fuq l-ambjent u livell ogħla ta' sikurezza għall-operaturi. L-għażla li jiġu adottati miżuri ta' adattament għall-emissjonijiet toffri biss vantaġġi żgħar rigward l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara u l-ebda titjib fis-sikurezza.

3.   Il-proposta għall-emendar tad-Direttiva

3.1

Din il-proposta tipprevedi l-emendi li ġejjin għad-Direttiva 2000/25/KE:

3.2

Waqt l-Istadju IIIB, hija awtorizzata żieda tal-għadd ta' magni intiżi biex jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija, imqiegħda fis-suq, skont l-iskema tal-flessibbiltà f'kull kategorija ta' qawwa tal-magna. Żieda tal-kwantitajiet aċċettati mill-eżenzjoni, minn 20 % għal 50 % tal-bejgħ annwali fil-passat tat-tratturi, jew inkella, bħala soluzzjoni alternattiva, l-adattament proporzjonat tal-kwantità fissa ta' magni li jistgħu jitqiegħdu fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà.

L-iskadenza għal dawn il-miżuri hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2013.

3.3

Is-soluzzjoni proposta tipprevedi għalhekk it-tisħiħ tal-iskema tal-flessibbiltà eżistenti. Din is-soluzzjoni qed titqies bħala l-aktar adegwata peress li tibbilanċja l-impatt ambjentali u l-benefiċċji ekonomiċi li jinkisbu permezz ta' tnaqqis fl-ispejjeż li huma meħtieġa biex is-suq ikun jista' jsir konformi mal-limiti l-ġodda għall-emissjonijiet. Wieħed għandu jfakkar li ż-żieda fil-flessibbiltà diġà kienet meqjusa possibbli b'konformità mal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2000/25/KE msemmija hawn fuq

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jappoġġja l-linji gwida tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiżguraw flessibbiltà akbar fl-applikazzjoni tad-diversi stadji tal-implimentazzjoni tal-valuri tal-limiti permessi għall-magni li jridu jitpoġġew fi tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija fir-rigward tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidu tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati.

4.2

L-istess bħall-Kummissjoni, il-Kumitat jixtieq iħares il-livelli kompetittivi u tal-impjiegi tal-industrija Ewropea tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija mir-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, u fl-istess ħin, jifhem il-ħtieġa li jinkisbu livelli għoljin ta' ħarsien tal-ambjent u ta' benesseri għaċ-ċittadini Ewropej.

4.3

Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li twassal għal 50 % l-perċentwali tal-flessibbiltà għas-setturi li diġà huma koperti mill-mekkaniżmi ta' flessibblità previsti mid-direttiva dwar l-emissjonijiet tal-egżost mit-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija tal-2000 u l-emendi suċċessivi għall-Istadju IIIB biss.

4.4

Dwar dan, il-Kumitat iqis essenzjali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra tidher li hija l-aktar korp ideali għal dan il-għan.

4.5

L-SMEs jistħoqqilhom attenzjoni speċjali, u l-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi flessibbli għall-adattament, iż-żmien għat-twettiq u l-perjodu li jissepara d-diversi stadji huma partikolarment diffiċli għalihom, minħabba l-ispejjeż previsti biex jiġu adattati l-makkinarji u l-magni li huma dejjem ogħla għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali kbar. Għaldaqstant, hemm bżonn li għall-SMEs tiġi riżervata l-għażla ta' kwantità fissa ta' magni eżentati.

4.6

Il-Kumitat josserva li, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri, hemm bżonn li jitwaqqfu mhux biss valuri tal-limitu stretti, iżda wkoll proċeduri ta' prova li jikkontrollaw l-emissjonijiet fil-kundizzjonijiet reali tal-użu permezz ta' pjani ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-magni li jsiru mill-produtturi tal-magni jew mill-awtoritajiet tas-sorveljanza fil-qafas ta' sistemi ta' pjani ta' kontroll fis-servizz (in-service conformity).

4.7

Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li l-livelli l-aktar ambizzjużi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġu l-adozzjoni ta' sistemi ta' wara t-trattament u għaldaqstant iqis li hemm bżonn li dawn is-sistemi ma jiġux imbagħbsa u li l-operaturi jagħmlu manutenzjoni korretta biex jiggarantixxu l-effikaċja tul il-perjodu kollu previst għat-tratturi. Fil-każ li dan ma jseħħx, il-magni jkollhom emissjonijiet agħar minn dawk ta' magni konformi ma' stadji li spiċċaw. Illum id-direttiva tipprevedi regoli minimi fuq il-manutenzjoni u ma tipprevedi xejn kontra t-tbagħbis tas-sistemi u, b'mod partikolari, tas-software tat-tħaddim. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tadotta kemm jista' jkun malajr dispożizzjonijiet li ma jippermettux it-tħaddim tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-foresterija jekk is-sistemi ta' wara t-trattament ma ssirilhomx il-manutenzjoni adatta u, barra minn hekk, li ma jagħtux aċċess għal partijiet terzi mhux awtorizzati b'mod espliċitu mill-produtturi, għas-sistemi ta' software li jissorveljaw it-tħaddim korrett u l-kontroll tal-emissjonijiet.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)”

COM(2010) 537 finali – 2010/0266 (COD)

u dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa”

COM(2010) 539 finali – 2010/0267 (COD)

2011/C 107/06

Relatur: is-Sur BROS

Nhar il-11 ta' Novembru u nhar it-13 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

COM(2010) 537 finali – 2010/0266 (COD).

Nhar il-11 ta' Novembru u nhar id-19 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 42, 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa

COM(2010) 539 finali – 2010/0267 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’96 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-allinjament tar-Regolamenti 73/2009 (ħlasijiet diretti) u 1698/2005 (żvilupp rurali) mat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedi li l-proċedura attwali tal-komitoloġija tinbidel b’distinzjoni bejn atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni. Il-KESE jqis li l-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-partijiet interessati u tal-Istati Membri waqt it-tfassil tal-leġislazzjoni tal-UE huma importanti, u huwa konvint li għandhom jinżammu.

1.2

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom interpretazzjoni differenti tad-distinzjoni bejn l-atti ta’ delega u dawk ta’ implimentazzjoni. Għalhekk il-KESE huwa tal-fehma li l-għażla tal-proċedura għal kull att trid issir fuq il-bażi ta’ kriterji ċari.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-atti delegati għandhom assolutament jiġu delegati għal żmien definit. Barra minn hekk iridu jkunu limitati għall-oqsma li jeħtieġu deċiżjonijiet mgħaġġla.

1.4

L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jintużaw fil-każ li tkun mixtieqa implimentazzjoni armonizzata bejn l-Istati Membri. F’ċerti oqsma din l-armonizzazzjoni hija partikolarment siewja biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk il-KESE jemmen li l-atti rilevanti, pereżempju dawk li jikkonċernaw ir-regoli partikolari tal-applikazzjoni tal-atti tat-tieni pilastru tal-PAK, jew dawk dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ambjentali, għandhom jiġu kklassifikati bħala atti ta’ implimentazzjoni, bil-kontra ta’ dak li tipproponi l-Kummissjoni.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ser tuża’ l-okkażjoni ta’ dawn ir-reviżjonijiet fir-Regolament biex iżżid miżuri ta’ semplifikazzjoni. Madankollu, l-isforzi ta’ semplifikazzjoni jikkonċernaw prinċipalment l-amministrazzjoni, filwaqt li jmisshom fuq kollox jissemplifikaw l-attivitajiet tal-bdiewa.

1.6

Il-KESE jikkonsidra li jkun importanti li l-Istati Membri jirrapportaw b’mod regolari l-progress li jsir fil-qasam tal-iżvilupp rurali. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tnaqqis fin-numru ta’ rapporti li l-Istati Membri jridu jressqu quddiem il-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjani strateġiċi joħloq il-periklu li tonqos l-informazzjoni disponibbli fuq dan is-suġġett.

1.7

Il-KESE huwa favur il-miżura li l-irziezet żgħar ħafna jiġu eżentati mill-obbligu li jiddikjaraw l-uċuħ tar-raba’ tagħhom kollha. Madankollu, il-limitu ta’ ettaru wieħed jista’ jiżdied.

1.8

Rigward is-sistema ta’ pariri agrikoli, il-KESE jaqbel mal-flessibbiltà proposta mill-Kummissjoni. Dan jippermetti lill-Istati Membri li jwaqqfu servizz ta’ parir għall-bdiewa li jkun aktar adatt, u mhux limitat biss għall-kondizzjonalità.

2.   Il-kuntest tal-opinjoni

2.1

L-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedu li tinbidel il-proċedura ta’ deċiżjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’dak li jirrigwarda r-regoli tal-implimentazzjoni tat-testi leġislattivi tal-UE.

2.2

Fil-proposti tal-Kummissjoni li jimmodifikaw ir-Regolamenti (KE) 73/2009 (ħlasijiet diretti) u 1698/2005 (żvilupp rurali), hemm previsti żewġ tipi ta’ emendi:

emendi marbutin mal-allinjament mat-Trattat ta’ Lisbona,

emendi ta’ semplifikazzjoni tar-Regolamenti attwali f’diversi oqsma.

2.3

Skont ir-Regoli li huma fis-seħħ bħalissa, il-komitoloġija hija bbażata fuq dak li kien l-Artikolu 202 tat-Trattat li permezz tiegħu l-Kunsill “jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta l-Kunsill, il-poteri għall-implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jippreskrivi. Il-Kunsill jista’ jimponi ċerti rekwiżiti fl-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri. Il-Kunsill jista’ wkoll jirriserva d-dritt, f’każi speċifiċi, li jeżerċita huwa nnifsu direttament il-poteri ta’ implimentazzjoni.”

2.4

Għaldaqstant, fil-preżent, fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, imsejħa tal-komitoloġija, hemm erba’ tipi ta’ kumitati li jridu jesprimu l-fehma tagħhom dwar l-abbozzi tat-testi tal-Kummissjoni:

il-kumitati konsultattivi

il-kumitati tat-tmexxija

il-kumitati regolatorji

il-kumitati regolatorji bi skrutinju.

2.5

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dak li kien l-Artikolu 202 m’għadux jeżisti u ħarġet distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ atti, l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni.

2.6

L-atti delegati (Artikolu 290) huma kategorija ġdida ta’ atti “kważi leġislattivi” li jissupplimentaw jew jimmodifikaw xi elementi “mhux essenzjali” ta’ att leġislattiv, u li l-kompetenza tagħhom tiġi ddelegata lill-Kummissjoni mill-leġislatur. M’hemm l-ebda att ta’ implimentazzjoni għal dan l-Artikolu: fil-fatt, it-Trattat jipprevedi li f’kull test leġislattiv, din id-delega tieħu l-forma ta’ mandat ta’ delega. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill isib oġġezzjoni għal att iddelegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ.

2.7

L-atti ta’ implimentazzjoni (Artikolu 291) huma atti adottati mill-Kummissjoni, jew mill-Kunsill f’każijiet speċifiċi, ġustifikati tajjeb, fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), biex tiżgura implimentazzjoni armonizzata tal-atti legalment vinkolanti tal-UE.

2.8

B’hekk il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fid-deċiżjonijiet tal-implimentazzjoni ser tinbidel b’mod sinifikanti. Minn naħa, il-komitoloġija klassika, bil-poter tan-negozjar mogħti lill-Istati Membri, hija limitata b’mod esklużiv għall-każijiet fejn it-tfittxija għall-armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ test bejn l-Istati Membri hija indispensabbli. Min-naħa l-oħra, testi oħra, li bħalissa huma trattati mill-kumitati (ħafna drabi regolamenti), fil-futur ser jiġu trattati mill-Kummissjoni waħedha.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-implikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 fuq iż-żewġ Regolamenti

3.1

Il-proposti tal-Kummissjoni jibdlu b’mod sustanzjali l-poteri rispettivi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea.

3.2

Il-KESE jqis li l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati fit-tfassil tal-leġislazzjoni tal-UE hija importanti ħafna. Għaldaqstant, fil-każ tal-atti delegati, huwa importanti li l-esperti tal-Istati Membri jiġu kkonsultati anke jekk m’għandhomx il-poter li jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan jippermetti fehim aħjar tar-regoli minn fuq, u eventwalment li jaslu l-kummenti dwar il-problemi li jinstabu.

3.3

Barra minn hekk, għalkemm dan mhuwiex direttament marbut mal-kamp tal-allinjament tat-Trattat ta’ Lisbona, il-KESE jfakkar fl-importanza tal-gruppi konsultattivi bħala forum ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili. Huwa indispensabbli li dawn il-fora ta’ skambju ma jiġux ipperikolati, peress li għandhom rwol essenzjali fit-trażmissjoni lill-Kummissjoni tal-għarfien espert u l-pożizzjonijiet kif ukoll biex jiffaċilitaw il-possibbiltà li l-partijiet interessati jsiru midħla tal-leġislazzjoni li tkun qed tiġi mħejjija minn fuq.

3.4

Dwar it-tul tal-perjodu tad-delega tal-atti delegati, il-KESE jqis li dan dejjem għandu jiġi stabbilit.

3.5

Il-KESE jinnota li d-distinzjoni bejn l-atti ta’ delega u l-atti ta’ implimentazzjoni hija interpretata b’mod differenti bjen il-Kunsill u l-Kummissjoni. Minħabba f’hekk il-KESE huwa tal-fehma li l-għażla tal-proċedura għal kull att trid issir fuq il-bażi ta’ kriterji ċari. Qed jiġu proposti tliet kriterji fil-paragrafi 3.6, 3.7 u 3.8.

3.6

Ċerti atti jeħtieġu armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri, billi d-differenzi fl-implimentazzjoni jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jagħmlu ħsara kbira lit-tħaddim effiċjenti tas-suq uniku tal-prodotti agrikoli. Din l-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni hija partikolarment siewja f’ċerti oqsma. F’dan ir-rigward wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu jekk pereżempju l-atti dwar ir-regoli partikolari ta’ applikazzjoni tal-atti tat-tieni pilastru tal-PAK (Artikoli 20 u 36 tar-Regolament 1698/2005), jew tal-miżuri marbutin mal-implimentazzjoni tal-miżuri ambjentali (pereżempju l-Artikolu 38 tar-Regolament 1698/2005 dwar ir-regoli partikolari tal-applikazzjoni tal-ħlasijiet għall-iżvantaġġi marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ima) m’għandhomx jiġu kklassifikati bħala atti ta’ implimentazzjoni, bil-kontra ta’ dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni.

3.7

Deċiżjonijiet oħra jistgħu jeħtieġu konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri sabiex tinħoloq komprensjoni reċiproka tajba. Dan jippermetti wkoll li l-Kummissjoni tibbenefika mill-esperti tal-Istati Membri. F’dan il-każ, l-ikklassifikar f’atti ta’ implimentazzjoni huwa ġġustifikat ukoll.

3.8

F’ċerti oqsma, huwa indispensabbli li d-deċiżjonijiet jkunu jistgħu jittieħdu malajr, b’reazzjoni immedjata. F’dan il-każ, l-ikklassifikar f’atti delegati huwa adatt.

4.   Kummenti partikolari dwar il-proposti ta’ semplifikazzjoni fil-modifika tar-Regolament 1698/2005 (Żvilupp rurali)

4.1

Il-Kummissjoni qed tipprevedi li tnaqqas l-għadd ta’ rapporti li l-Istati Membri jridu jressqulha dwar l-istat ta’ progress tal-implimentazzjoni tal-pjani strateġiċi. Din il-miżura tista’ twassal għal semplifikazzjoni importanti għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jinżamm l-obbligu għall-Istati Membri li jagħtu rendikont regolari tal-progress ta’ din l-implimentazzjoni.

4.2

Rigward l-użu aktar personalizzat tas-servizzi ta’ parir, il-modifika proposta mill-Kummissjoni hija a priori miżura ta’ semplifikazzjoni adatta, billi tagħmel il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-għajnuna aktar flessibbli, u billi tiċċara li s-servizzi ta’ parir mhux bilfors jittrattaw il-kondizzjonalità b’mod globali. Fil-fatt wieħed mill-ostakli għall-iżvilupp ta’ servizz ta’ parir effettiv għall-bdiewa fl-UE huwa l-limitazzjoni għall-verifika tal-applikazzjoni tal-kondizzjonalità tal-għajnuna. B’hekk il-konsulent agrikolu ta’ spiss jitqies mill-bdiewa bħala kontrollur.

4.3

Rigward il-fatt li jiġi ffaċilitat l-użu tal-ħlasijiet min-naħa tal-Istati Membri biex jipprovdu għal żoni li jservu ta’ konnessjonijiet “ekoloġiċi” bejn iż-żoni tan-Natura 2000, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jkun hemm rabta ċara bejn il-miżuri speċifiċi proposti u l-ħtiġijiet tal-ispeċijiet u l-abitati prijoritarji fil-livell nazzjonali u Ewropew.

5.   Kummenti partikolari dwar il-proposti ta’ semplifikazzjoni fil-modifika tar-Regolament 73/2009 (Ħlasijiet Diretti)

5.1

Il-KESE jqis li l-isforzi ta’ semplifikazzjoni m’għandhomx jikkonċernaw lill-amministrazzjoni biss iżda jmisshom jissemplifikaw l-attivitajiet tal-bdiewa wkoll.

5.2

Il-Qorti tal-Awdituri Ewropea kkritikat il-politika ta’ kondizzjonalità tal-għajnuna f’rapport speċjali ppublikat fl-2008. B’mod partikolari l-Qorti tirrakkomanda semplifikazzjoni fil-qafas legali. Il-KESE jaqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni.

5.3

Il-Kummissjoni qed tipprevedi li ma tirrekjedix li jiġu ddikjarati l-uċuħ agrikoli kollha ta’ razzett fil-każ ta’ rziezet li ma jaqbżux l-ettaru fit-totalità tagħhom. Il-KESE huwa favur din il-miżura ta’ semplifikazzjoni li tgħin lill-irziezet żgħar ħafna li għalihom l-ispejjeż tal-kontroll jistgħu jkunu sproporzjonati. Madankollu, il-limitu ta’ ettaru jista’ jiżdied.

5.4

Il-KESE jqis ukoll li l-metodi ta’ kontroll fl-irziezet għandu jkollhom element ta’ flessibbiltà. Il-mument tal-kontroll u l-ħin li l-kontrollur iqatta’ fir-razzett għandhom f’ċerti każijiet ikunu jistgħu jiġu adattati għall-obbligi tal-bidwi. B’mod partikolari mhuwiex aċċettabbli li bidwi jagħmel telf finanzjarju minħabba l-obbligu li jkun disponibbli għal spezzjoni ta’ kontroll stabbilita f’ġurnata mhux adatta.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni”

COM(2010) 498 finali

2011/C 107/07

Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar is-7 ta’ Ottubru u d-19 ta’ Settembru 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni

COM(2010) 498 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’182 vot favur, 9 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jipproponi li l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġi inkluż bħala bażi legali, flimkien mal-Artikoli 42(1) u 43(2), peress li r-referenza għall-artikoli tal-PAK waħidha mhijiex biżżejjed biex tiżgura li jkunu jistgħu jiġu adottati miżuri mfassla speċifikament għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea.

1.2

Il-Kumitat huwa tal-fehma li r-referenza għat-terminu “volumi” fl-Artikolu 18(2)e) għandha titħassar, u li t-test tal-Artikolu 18(2)e) b’rabta mal-Artikolu 18(4) għandu jiġi ċċarat sabiex ikun żgurat li l-programmazzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet tkun flessibbli biżżejjed. It-terminu “volumi” għandu jiġi sostitwit b’referenza għad-dikjarazzjoni finanzjarja għal kull miżura, u r-referenza għal-limiti għal kull azzjoni għandha titħassar, peress li l-limiti jiġu deċiżi bħala parti mill-miżura globali.

1.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-miżura dwar il-preservazzjoni tal-pajsaġġ u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli u l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel li jirfdu l-għelieqi mtarrġa għandha tiġi estiża għal reġjuni aktar imbiegħda oħra sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà li għandha l-Madeira bħalissa f’dak li jirrigwarda l-irduppjar tal-fondi fuq l-ammonti massimi annwali eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1628/2005.

1.4

Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jiżdied punt ġdid mal-Artikolu 22, sabiex ikun żgurat li kumpaniji kbar li jinsabu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jkunu eżentati mill-projbizzjoni li jirċievu għajnuna mill-Istat minħabba li jkollhom assigurazzjoni agrikola.

1.5

Il-Kumitat jitlob żieda fil-finanzjament tas-settur tal-banana permezz tal-Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (“il-programmi POSEI”). Din għandha ttaffi l-impatt negattiv li qed ikollu t-tnaqqis skedat fit-tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-banana fl-UE fuq id-dħul tal-produtturi tal-UE.

1.6

Fil-fehma tal-Kumitat, l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għandhom jitfasslu għal kull reġjun skont il-produzzjoni agrikola lokali, li l-iżvilupp tagħha m’għandux ikun limitat mill-għajnuna għall-provvista, li hija wisq eċċessiva għall-prodotti li huma manifatturati lokalment ukoll.

2.   Introduzzjoni

2.1

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE jibbenefikaw minn trattament speċifiku, kif stipulat fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu jiddikjara li għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi billi jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet ta’ dawn ir-reġjuni. Dawn il-miżuri jimmiraw, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni, inklużi l-politiki komuni. Attwalment, disa’ reġjuni li jagħmlu parti minn tliet Stati Membri huma elenkati taħt l-Artikolu 349 tat-TFUE:

il-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique, Reunion, Saint Barthélemy u Saint Martin (Franza);

l-Azores u l-Madeira (il-Portugall);

il-Gżejjer Kanarji (Spanja)

2.2

F’dak li jirrigwarda l-Politika Agrikola Komuni (PAK), ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi inklużi fil-Programmi POSEI, li l-istrumenti ewlenin tagħhom huma dawn li ġejjin:

miżuri li jappoġġjaw il-produzzjoni lokali (SLP);

l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista (SSA), li għandhom l-għan li jtaffu l-ispejjeż għall-provvista ta’ ċerti prodotti tal-ikel essenzjali;

miżuri ta’ akkumpanjament li jiffokaw fuq li jadattaw il-PAK għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

2.3

Miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda ġew introdotti għall-ewwel darba fl-1991 għad-dipartimenti Franċiżi barra mill-konfini ġeografiċi tal-Ewropa (POSEIDOM) u fl-1992 għall-Gżejjer Kanarji (POSEICAN), għall-Azores u għall-Madeira (POSEIMA). Fl-2001, saret riforma tal-iskema POSEI li emendat l-SSA u bidlet il-metodu ta’ kif tiġi kkalkolata l-għajnuna tal-SSA. Ir-riforma introduċiet ukoll miżuri SLP ġodda u emendat dawk eżistenti.

2.4

Fl-2006 saret riforma sinifikanti fil-POSEI: it-tliet regolamenti preċedenti ġew sostitwiti b’test waħdieni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006. Dan ir-Regolament adotta approċċ ġdid ta’ programmazzjoni, li jiddeċentralizza l-proċess tat-tfassil, tal-modifikazzjoni, tal-ġestjoni u tal-monitoraġġ tal-programmi POSEI billi jgħaddi dawn ir-responsabilitajiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Is-sistema l-ġdida introduċiet livell ogħla ta’ flessibbiltà fil-ġestjoni tal-programmi li kienet iktar adatta għall-ħtiġijiet lokali, u ssemplifikat il-proċeduri għall-modifikazzjoni tagħhom. Ir-riforma tal-PAK tal-2003 b’rabta ma’ skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa influwenzat ukoll ir-riforma tal-iskema POSEI, peress li r-riforma tal-PAK tal-2003 kienet żgurat li l-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kienet eżentata mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni u tad-diżakkoppjament tal-għajnuna, u għaldaqstant ikkunsidrat il-karatteristiċi speċifiċi tagħha.

2.5

Wara li ġie adottat, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 ġie modifikat bosta drabi sabiex tittieħed kunsiderazzjoni tar-riformi taz-zokkor u tal-banana tal-2006, tal-Kontroll tas-Saħħa (li jittrasferixxi lill-POSEI l-baġit li jikkorrispondi għall-miżuri ta’ appoġġ dirett li qabel kienu ġestiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003) u wkoll ta’ trasferimenti oħrajn ta’ għajnuna diretta fl-2007 u fl-2008.

2.6

Attwalment, jista’ jintqal li l-programmi POSEI huma l-ekwivalenti tal-ewwel pilastru tal-PAK għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri jinżammu u jkunu ffinanzjati b’mod xieraq.

3.   Il-punti essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Din l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill Nru 247/2006 kienet meħtieġa sabiex tpatti għat-tibdiliet reċenti fil-leġislazzjoni, u b’mod partikolari għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li daħħal il-proċedura ta’ kodeċiżjoni fil-Politika Agrikola Komuni. It-Trattat ta’ Lisbona jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġislattivi (atti ddelegati) ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv, kif stipulat fl-Artikolu 290, u min-naħa l-oħra, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 219.

3.2

Din l-emenda tar-Regolament għandha l-għan li tirriformula r-Regolament u tfassal mill-ġdid l-istruttura tiegħu għall-finijiet ta’ ċarezza u trasparenza sabiex dan jirrifletti b’mod aktar effettiv ir-realtà tal-iskema agrikola POSEI.

3.3

Ir-Regolament il-ġdid jindika b’mod aktar espliċitu l-għanijiet prinċipali tal-iskema POSEI u jenfasizza r-rwol ċentrali tal-programmi POSEI. Dan jinkludi wkoll ċerti miżuri dwar il-programmazzjoni sabiex tkun żgurata flessibbiltà akbar fl-adattament tal-programmi biex dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

3.4

Ir-Regolament jipproponi sett ta’ emendi speċifiċi ħafna:

Il-possibbiltà li jintbagħtu mill-ġdid prodotti pproċessati lokalment minn prodotti bażiċi li jkunu koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, mingħajr rimborż tal-benefiċċju, hija estiża wkoll għad-dipartimenti Franċiżi barra miż-żona ġeografika tal-Ewropa.

Il-limitu għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għar-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ Franza u l-Portugall se jiżdied mingħajr l-ebda żieda għall-pakkett totali tal-baġit.

Se jkun obbligatorju li wieħed jindika fil-programmi kif inhuma definiti l-ammonti tal-għajnuna għall-miżuri li jassistu l-prodotti agrikoli lokali.

3.5

Ir-Regolament jispeċifika wkoll li l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu mfassla għal kull reġjun skont il-produzzjoni agrikola lokali, li l-iżvilupp tagħha m’għandux ikun limitat minn għajnuniet għall-provvisti kbar wisq għal prodotti li jiġu prodotti wkoll lokalment.

3.6

Il-proposta għar-Regolament il-ġdid ma taffettwax is-sorsi tal-finanzjament jew l-intensità tal-appoġġ Komunitarju: saru tibdiliet fl-istruttura tar-Regolament iżda ma sar l-ebda tibdil sinifikanti fil-kontenut.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-agrikoltura tirrappreżenta parti kbira mill-ekonomija lokali, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, u tappoġġja wkoll l-industrija lokali tal-ikel agrikolu, li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni industrijali f’dawn ir-reġjuni.

4.2

Madankollu, il-produzzjoni agrikola fir-reġjuni l-aktar imbiegħda hija estremament fraġli, l-aktar minħabba l-problemi li jinħolqu minħabba l-fatt li huma tant imwarrba, id-daqs u n-natura frammentata tas-swieq lokali, kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena, iċ-ċokon tal-azjendi u d-diversità limitata fil-prodotti agrikoli. Meta jitqiesu flimkien, dawn il-fatturi jfissru li l-produzzjoni fir-reġjuni l-aktar imbiegħda hija ħafna inqas kompetittiva milli fl-Ewropa kontinentali. L-agrikoltura lokali hija dipendenti ħafna mid-dinja barranija kemm għall-provvista ta’ addizzjonijiet agrikoli kif ukoll għall-bejgħ tal-prodotti tagħha, iżda madankollu hija iżolata ħafna mis-sorsi ta’ provvista u mis-swieq.

4.3

F’ħafna mir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-produzzjoni agrikola hija diviża b’mod ċar bejn produzzjoni għall-esportazzjoni u produzzjoni għall-provvista tas-swieq lokali. Madankollu, il-produzzjoni maħsuba għall-esportazzjoni jkollha tikkompeti ma’ pajjiżi oħra fis-suq dinji (il-Mediterran, l-Amerika Latina, eċċ.) li jbigħu wkoll lill-Ewropa kontinentali, b’kundizzjonijiet ta’ aċċess dejjem aktar favorevoli u b’inqas spejjeż, minħabba l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli fl-UE.

4.4

Is-settur tal-banana tal-UE huwa eżempju ta’ tendenza li qed tqanqal tħassib: it-tneħħija gradwali tal-protezzjoni għall-prodotti ewlenin ta’ esportazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim multilaterali dwar il-kummerċ tal-banana fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-15 ta’ Diċembru 2009. Il-ftehim naqqas it-tariffa għal EUR 176 għal kull tunnellata, u għal EUR 114 għal kull tunnellata bejn l-2017 u l-2019. Barra minn hekk, ġew iffirmati Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Kolombja, il-Perù u ma’ pajjiżi fl-Amerka Ċentrali, u hemm il-possibbiltà li jiġu ffirmati mal-Ekwador fil-futur qrib. Dawn il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxu, tnaqqis saħansitra akbar tat-tariffa: tariffa ta’ EUR 75 biss għal kull tunnellata ser tidħol fis-seħħ mill-2020.

4.5

Ir-riforma tal-2006 tal-iskema POSEI kienet pożittiva minħabba li żgurat li l-iskema ġiet adattata aħjar għall-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda: l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ngħataw responsabbiltà akbar fit-tfassil tal-programmi, li jfisser li l-partijiet interessati setgħu jkunu involuti b’mod ħafna iktar dirett fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ.

4.6

L-emenda proposta tallinja l-miżuri tar-Regolament aktar mal-funzjonament attwali tal-iskema u tiżgura li jkun hemm aktar flessibbiltà fl-adattament tal-programmi sabiex dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kull reġjun.

4.7

F’dak li jirrigwarda l-allinjament mat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex tipprova tiddetermina d-distribuzzjoni tal-atti ddelegati u tal-atti ta’ implimentazzjoni. L-idea hi li jiġi evitat it-tibdil tal-miżuri attwalment fis-seħħ sabiex ikun żgurat li s-sistema attwali tkun tista’ tkompli taħdem. Madankollu, il-proposta hija kemxejn prematura, minħabba li l-informazzjoni kollha dwar is-suġġett għadha mhijiex disponibbli: ir-regolament li jistabbilixxi l-proċedura tal-komitoloġija l-ġdida għadu ma nħariġx.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Attwalment, ir-Regolament POSEI għandu bażi legali doppja: iż-żewġ Artikoli tat-TFUE dwar il-PAK (li qabel kienu l-Artikoli 36 u 37) u l-Artikolu speċifiku dwar ir-reġjuni l-aktar imbiegħda (li qabel kien l-Artikolu 299(2)). Madankollu, fil-proposta sabiex jiġi emendat ir-Regolament, il-bażi legali hija limitata għall-Artikoli 42 u 43(2) il-ġodda dwar il-PAK: l-Artikolu 349 il-ġdid dwar ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mhuwiex inkluż. Referenza għall-Artikoli tal-PAK biss mhijiex biżżejjed biex ikun żgurat li jistgħu jiġu adottati miżuri mfasslin apposta għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, peress li l-Artikolu speċifiku jipprovdi bażi legali għad-dispożizzjonijiet kollha li jittrattaw iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

5.2

L-Artikolu 18 jipproponi miżuri ġodda u jistabbilixxi l-elementi li għandhom jinkludu l-programmi POSEI ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati ħażin. It-Taqsima e) tal-Artikolu 18(2) għandha titħassar minħabba li mhijiex ċara u hija superfluwa peress li tirrepeti dak li jintqal fl-Artikolu 18(4): il-kundizzjonijiet għall-għajnuna u l-prodotti għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu stabbiliti għal kull azzjoni. Il-fatt li t-terminu “volumi” huwa mniżżel bħala element obbligatorju iktar iqajjem konfużjoni milli jkun ta’ għajnuna peress li kull miżura tikkonsisti minn diversi azzjonijiet u, għaldaqstant, prattikament m’hemmx raġuni għalfejn għandha ssir referenza għall-volumi meta tiġi deskritta l-miżura globali. Fl-Artikolu 18(4), id-definizzjoni ta’ limitu għal kull azzjoni mhijiex meħtieġa u tagħmel il-proċess tal-ġestjoni tal-programm inqas flessibbli, peress li l-għajnuna individwali u l-benefiċjarji tal-azzjoni xorta waħda jridu jiġu ddikjarati.

5.3

F’uħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jeħtieġ ukoll li titħeġġeġ il-konservazzjoni tal-pajsaġġ u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli, b’mod partikolari l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel li jirfdu l-għelieqi mtarrġa: huwa essenzjali li jinżamm il-pajsaġġ tradizzjonali u li jkun żgurat li l-art tiġi ppreservata b’mod xieraq minħabba l-art diffiċli u n-natura tal-ħamrija. Għaldaqstant, fl-Artikolu 21(1), il-flessibbiltà li attwalment tgawdi minnha l-Madeira f’dak li jirrigwarda l-irduppjar tal-ammonti massimi annwali eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea (kif previst fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1628/2005) għandha tiġi estiża għar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

5.4

Il-poloz tal-assigurazzjoni kollettivi, li għandhom isiru minn settur sħiħ, huma partikolarment importanti għal uħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Il-fatt li kumpaniji kbar ma jistgħux jużaw l-għajnuna mill-Istat sabiex jipparteċipaw f’poloz tal-assigurazzjoni kollettivi jagħmel lill-primjums tal-assigurazzjoni iktar għalja għall-produtturi ż-żgħar u ta’ daqs medju u jagħmel is-sistema tal-assigurazzjoni inqas sostenibbli. Jeħtieġ li jitqies il-fatt li r-reġjuni l-aktar imbiegħda jikkonsistu minn żoni żgħar ta’ art u li għal uħud minn dawn ir-reġjuni japplikaw linji tal-assigurazzjoni speċifiċi għall-prodotti agrikoli tagħhom. Għaldaqstant, jagħmel sens li wieħed jinkoraġġixxi lil kull sottosettur fit-totalità tiegħu sabiex jipparteċipa fil-polza tal-assigurazzjoni kollettiva rilevanti.

5.5

It-tnaqqis tat-tariffa stabbilita f’Ġinevra fil-ftehim multilaterali dwar il-kummerċ tal-banana diġà qed ikollu impatt negattiv fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-banana u għalhekk qed jolqot ħażin ferm lill-produtturi tal-UE. Dan l-impatt negattiv ser jiggrava bit-tnaqqis tat-tariffa addizzjonali stabbilit fil-ftehimiet bilaterali ffirmati mal-pajjiżi Andini u tal-Amerka Ċentrali. Sabiex jittaffa t-tnaqqis estrem fil-kompetittività tas-settur tal-banana tal-UE li ġie kkawżat mit-tnaqqis sinifikanti fit-tariffi, huwa essenzjali li jiġu introdotti miżuri ta’ kumpens sabiex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv: tinħtieġ żieda fil-finanzjament tas-settur tal-banana permezz tal-Programmi POSEI sabiex ikun żgurat li jkun jista’ jinżamm id-dħul tal-produtturi tal-UE.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija – Pjan direzzjonali għall-2050” (opinjoni esploratorja)

2011/C 107/08

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar it-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija – Pjan direzzjonali għall-2050

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-17 ta’ Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’193 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat iqis li huwa importanti ħafna li tiġi definita politika integrata Ewropea ġenwina dwar l-enerġija u li, f’dan il-qafas, tiġi introdotta strateġija Komunitarja, fuq perjodu ta’ daqs medju u fit-tul, li tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-2050 bil-mira ta’ tnaqqis kompetittiv u sostenibbli tal-ammont ta’ CO2 fl-enerġija prodotta, sabiex twieġeb fuq livell dinji għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u tissodisfa l-ħtiġijiet soċjetali u industrijali tal-UE.

1.2   Sabiex titwettaq politika komuni dwar l-enerġija, il-Kumitat huwa tal-fehma li hemm bżonn tinħoloq “Komunità integrata tal-enerġija ”; skont ma jipprevedi l-Artikolu 194 tat-Trattat.

1.3   Il-KESE jemmen li l-pjan direzzjonali għall-2050 dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija għandu jkun kapaċi:

jiġbor flimkien varjetà ta’ modi possibbli ta’ żvilupp għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fl-Ewropa;

jesplora approċċi kunsenswali għal tranżizzjoni ekonomika;

jiddefinixxi proċeduri għal djalogu kontinwu dwar il-pjan direzzjonali f’livelli varji;

jidentifika l-miżuri meħtieġa għal fehim aħjar tad-deċiżjonijiet strateġiċi;

jistabbilixxi sistemi ta’ kompatibbiltà ekonomika li jirrispettaw il-kompetizzjoni u li huma appoġġjati mis-soċjetà;

jenfasizza l-elementi essenzjali ta’ flessibbiltà biex ikun jista’ jseħħ adattament rapidu għat-tibdil fil-klima, it-teknoloġiji ġodda u l-iżvilupp ekonomiku dinji.

1.4   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu adottati taħlitiet ta’ politika li jinkludu:

miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

sistemi siguri għall-ġbir u l-ħżin tad-CO2 (CCS);

mekkaniżmi robusti għall-iskambju tal-emissjonijiet;

żvilupp kompetittiv tal-enerġiji rinnovabbli;

bdil tal-impjanti tal-enerġija għall-produzzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju;

bdil sostenibbli tal-mezzi tat-trasport;

standardizzazzjoni teknika adegwata fil-livell internazzjonali;

miżuri diretti għall-iżvilupp tal-koġenerazzjoni effiċjenti tas-sħana u l-elettriku (combined heat and power production, CHP).

1.5   Il-KESE jemmen li l-pjan direzzjonali għall-2050 għandu jqis erba’ varjabbli ewlenin:

rata tassew aktar mgħaġġla tal-progress tekniku, xjentifiku u teknoloġiku;

l-impenn mill-pajjiżi u s-setturi kollha kkonċernati biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom;

is-sostenibbiltà ta’ qafas finanzjarju li huwa affidabbli matul iż-żmien;

il-possibbiltà li l-objettivi intermedji jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu adattati għall-iżvilupp tekniku-xjentifiku.

1.6   Fir-rigward tat-“tagħmir” tas-suq enerġetiku Ewropew integrat, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi stabbilit mingħajr dewmien, b’mod ippjanat u kunsenswali, l-investiment fl-oqsma li ġejjin:

in-netwerks intelliġenti u fit-titjib tan-netwerks għat-trasmissjoni tal-enerġija;

ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ programmi konġunti fl-oqsma tas-sostenibbiltà tal-enerġija, in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji, applikazzjonijiet tal-IT għal makrosistemi tan-netwerks, u mikrosistemi għall-użu tal-IT fid-djar;

il-kapaċità li jiġu rregolati sistemi kumplessi u li jiġi pprovdut qafas ta’ referenza stabbli għall-industrija u l-operaturi pubbliċi u privati;

it-tisħiħ ta’ djalogu strutturat u interattiv mal-imsieħba soċjali, il-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali;

qafas b’saħħtu għal kooperazzjoni u djalogu internazzjonali, li jiġbor flimkien pajjiżi li ilhom industrijazzilati ħafna u oħrajn li ġew industrijalizzati reċentement madwar miri miftiehma u li jistgħu jitkejlu.

1.7   Fir-rigward tal-miri fuq perjodu ta’ żmien qasir, il-KESE jemmen li l-attenzjoni għandha tkun iffukata fuq l-introduzzjoni immedjata ta’:

miżuri mmirata lejn l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari fil-kostruzzjoni u fit-trasport, b’attenzjoni kbira għad-direttivi Ewropej;

titjib mgħaġġel u mifrux ta’ mekkaniżmi għall-iskambju tal-emissjonijiet;

sistemi prattiċi ta’ dekarbonizzazzjoni gradwali tal-elettriku, u żieda mgħaġġla u tixrid tal-proġetti pilota eżistenti;

appoġġ sostanzjali għal proġetti pilota biex jiġu żviluppati portafolli ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u bi prezzijiet raġonevoli;

appoġġ fiskali u finanzjarju li jippermetti l-użu mifrux ta’ enerġiji alternattivi;

aktar mekkaniżmi tal-edukazzjoni u sistemi ta’ taħriġ f’dixxiplini xjentifiċi, ibbażati fuq mudelli integrati u multidixxiplinarji;

l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija u netwerks trans-Ewropej, u t-tixrid ta’ netwerks intelliġenti standardizzati permezz ta’ sistemi Ewropej ta’ standardizzazzjoni;

qafas effiċjenti għall-kooperazzjoni internazzjonali.

1.8   Fuq perjodu ta’ żmien medju, il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi żgurat dan li ġej:

suq globali għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, bi prezzijiet raġonevoli, bi standards tekniċi internazzjonali komuni;

tkejjil regolari tal-kisba tal-miri intermedji, biex jiġi żgurat li r-responsabbiltajiet huma merfugħa fl-UE u fis-suq globali;

aġġornament tal-miri skont l-iżviluppi, is-sejbiet xjentifiċi u l-bidliet fil-mappa ekonomika u kummerċjali dinjija;

fejn meħtieġ, tfassil mill-ġdid tal-istrateġiji meħtieġa għal tnaqqis ta’ 60-80 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

tixrid prattiku ta’ strumenti konġunti għall-ġestjoni tan-netwerks u taċ-ċentri tal-ħżin u t-trasmissjoni tal-enerġija;

titjib tal-mekkaniżmi għall-governanza, il-kisba ta’ kunsens u djalogu interattiv bejn il-partijiet interessati kollha;

l-iżvilupp tal-fissjoni nukleari f’dawk l-Istati Membri li jridu jkomplu jiżvilupaw din it-teknoloġija, permezz ta’ bidla mit-tielet għar-raba’ ġenerazzjoni, u l-iżvilupp tat-tekniki tal-użu mill-ġdid tal-biċċa l-kbira tal-materjal;

appoġġ għar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari, fuq il-bażi tal-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni (EFDA) u b’mod partikolari l-esperjenza tal-JET (Joint European Torus), li hija appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea u li ser tippermetti t-tnedija tal-ITER wara l-2020;

tisħiħ tal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, li qiegħed f’periklu li jeskludi gruppi dejjem aktar estensivi ta’ nies u pajjiżi sħaħ.

1.9   Il-KESE jemmen li għall-bidu jkun meħtieġ dan li ġej:

impenn politiku għal sistema integrata tal-UE għall-enerġija b’regoli komuni;

oqfsa regolatorji armonizzati u stabbli;

it-twettiq ta’ standards tekniċi Komunitarji;

impjanti tal-elettriku Ewropej bi standards kompatibbli ta’ interoperabbiltà;

skemi Komunitarji għal taħriġ uniformi tal-persunal;

mekkaniżmi effettivi għall-iskambju tal-aħjar prattiki u t-teknoloġiji disponibbli;

sistemi interoperabbli tal-IT għas-sigurtà u l-kontroll;

politika kulturali mifruxa li tippromovi s-sostenibbiltà tal-enerġija.

1.10   Il-Kumitat iqis li huwa fundamentali li tiġi żviluppata u msaħħa politika ta’ komunikazzjoni koerenti, fil-livell Ewropew, b’messaġġi effiċjenti, kredibbli u aċċessibbli għad-diversi kategoriji interessati u, fuq kollox, għall-pubbliku inġenerali.

2.   Introduzzjoni

2.1   It-tibdil fil-klima fuq livell dinji huwa fatt magħruf sew, iżda n-natura u l-medda tal-effetti tiegħu huma anqas magħrufa.

2.2   L-UE trid tiddeċiedi xi trid tikseb l-Ewropa sal-2020 u wara. Il-Kummissjoni qed tipproponi tkabbir sostenibbli, permezz ta’ strateġija dwar l-enerġija 2011-2020, flimkien ma’ pjan direzzjonali li jimmira lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija sal-2050.

2.3   Il-Kummissjoni talbet lill-KESE jħejji żewġ opinjonijiet esploratorji separati dwar il-prospettivi ta’ żvilupp fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul – waħda sal-2020 u l-oħra sal-2050. Din l-opinjoni esploratorja ser tiffoka fuq it-tieni proposta.

2.4   Il-pjan direzzjonali għall-2050 dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija għandu jkun jista’:

jiġbor flimkien varjetà ta’ modi ta’ żvilupp kompetittiv possibbli, għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fl-Ewropa, b’konformità mal-miri fit-tul dwar il-klima fil-livell dinji u mal-ħtiġijiet soċjali u industrijali tal-UE;

jeżamina approċċi kunsenswali għat-transizzjoni ekonomika, fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-enerġija tal-lum u ta’ għada, aċċettatti mill-imsieħba soċjali u mis-soċjetà ċivili, permezz ta’ djalogu interattiv permanenti;

jiddefinixxi l-proċeduri ta’ djalogu kontinwu dwar il-pjan direzzjonali f’diversi livelli, bejn il-politiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, dawk inkarigati mill-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, l-industrija, it-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet ambjentali, il-kummerċ u s-servizzi, l-utenti tas-settur elettriku, residenzjali, terzjarju u tat-trasport, il-komunitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi u l-istituzzjonijiet edukattivi, is-sistema finanzjarja u tal-kreditu, il-bdiewa, il-konsumaturi u ċ-ċittadini;

jidentifika l-miżuri meħtieġa sabiex id-deċiżjonijiet strateġiċi jinfiehmu aħjar u biex jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’60 sa 80 %, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni massiva ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija, bl-għan li fuq perjodu twil il-konċentrazzjoni atmosferika ta’ CO2 tiġi stabbilita taħt l-450 ppmv (ppmv: parti għal kull miljun volum);

jiżviluppa sistemi ta’ kompatibbiltà ekonomika, li jirrispettaw il-kompetizzjoni u li jkunu kondiviżi mis-soċjetà, għall-finanzjamenti pubbliċi u privati, it-taxxa, l-ippjanar baġitarju;

joħorġu fid-dieher l-elementi indispensabbli ta’ flessibbiltà, li jkunu ġejjin minn tibdil, kultant mgħaġġel, fir-riċerka xjentifika, fl-iżvilupp ekonomiku u fl-evoluzzjoni tal-kultura soċjali.

2.5   Fix-xenarji kollha disponibbli s’issa bil-għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet bi 80 % sal-2050, il-KESE huwa tal-fehma li s-sistemi ta’ politika mħallta għandhom jaqdu rwol ċentrali; dawn jinkludu:

miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

sistemi, mifruxa fuq it-territorju, ta’ ġbir u ħżin tas-CO2 (CCS) u mekkaniżmi msaħħa għar-regolazzjoni tal-iskambju tal-emissjonijiet;

żidiet kbar tal-ishma tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

żvilupp tal-fissjoni nukleari mit-tielet għar-raba’ ġenerazzjoni u appoġġ għar-riċerka dwar il-fużjoni nukleari;

żidiet kbar tal-ishma tal-enerġija elettrika prodotta permezz ta’ sistemi ta’ dekarbonizzazzjoni;

kontributi kbar għat-tisħiħ tar-rikonverżjoni tat-trasport bit-triq, bl-ajru u bil-baħar u għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku fil-bini residenzjali u fis-settur terzjarju;

investiment fir-Riċerka, l-Iżvilupp, id-Dimostrazzjoni u l-Użu (RŻD&U) u fit-trasferimenti fil-livell ta’ innovazzjoni tas-suq;

rata aktar mgħaġġla tal-ħidma ta’ standardizzazzjoni teknika, fil-livell tal-UE u dak internazzjonali;

miżuri diretti għall-iżvilupp tal-koġenerazzjoni effiċjenti tas-sħana u l-elettriku (combined heat and power production, CHP).

2.6   Fir-rigward tat-“tagħmir” tas-suq enerġetiku Ewropew integrat, meħtieġ indipendentement mis-sistema ta’ politika mħallta adottata u mis-sejbiet miksuba, il-KESE jqis li għandu jsir investiment sabiex:

jiġu żviluppati smart grids u konfigurazzjonijiet ta’ netwerks li jiżviluppaw it-teknoloġiji ta’ ħżin tal-elettriku u s-sħana;

fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Enerġija, jiġu integrati b’mod funzjonali d-diversi programmi ta’ RŻD&U u ta’ innovazzjoni teknoloġika;

jinħoloq kuntest politiku b’saħħtu u stabbli, li fih l-oqsma kollha kkonċernati jkunu jistgħu joperaw b’livell raġonevoli ta’ ċertezza;

jitniedu miżuri b’saħħtihom ta’ bini tal-kapaċità, sabiex tiġi ffurmata sistema ta’ livelli ta’ governanza effiċjenti u b’saħħithom;

jiġu identifikati kanali ta’ kooperazzjoni internazzjonali stabbli u b’motivazzjoni tajba.

2.7   Fil-livell globali, ir-rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) u diversi entitajiet internazzjonali oħra juru sensiela ta’ xenarji, skont liema l-proġezzjoni fiż-żmien tal-ġestjoni attwali tal-enerġija tidher insostenibbli minn diversi lati: ambjentali, ekonomiku u soċjali.

2.8   Fuq livell dinji, il-pajjiżi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex sal-2011 jadottaw strateġiji ta’ żvilupp b’livell baxx ta’ karbonju, fis-setturi b’livell għoli ta’ emissjonijiet. Inkella se jkun hemm il-periklu li l-industriji Ewropej li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija mhumiex ser jirnexxilhom jibqgħu kompetittivi fis-suq globali u b’hekk jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom (rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju – carbon leakage) barra mill-Ewropa mingħajr l-ebda tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2. Dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu wkoll, pereżempju, tnaqqis mgħaġġel tal-operazzjonijiet ta’ deforestazzjoni tropikali.

2.9   L-oqsma strateġiċi ta’ azzjoni dinjija, identifikati mill-G20, jinqasmu f’żewġ gruppi: dawk li jiffokaw fuq perjodu qasir u dawk li jiffokaw fuq perjodu ta’ daqs medju.

2.9.1   Fl-ewwel grupp jinsabu l-miżuri maħsuba biex jippromovu d-domanda u jappoġġjaw id-dħul, fosthom:

titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

titjib fl-infrastruttura, bil-għan li jkollha livell baxx ta’ karbonju;

appoġġ għas-swieq permezz ta’ teknoloġiji ekoloġiċi.

2.9.2   Fuq perjodu ta’ żmien medju jew fit-tul, insibu miżuri maħsuba biex jassiguraw il-lealtà tal-investituri u l-imprendituri privati, f’setturi li huma msejħa biex isiru l-pilastri ta’ żvilupp ekokompatibbli. Dawn jinkludu:

tnedija ta’ proġetti pilota, b’mod speċjali fil-qasam tas-CCS;

inċentivi għar-riċerka fil-livell internazzjonali;

inċentivi għall-investiment f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

2.10   Skont ċerti xenarji, l-emissjonijiet fil-livell dinji jistgħu jinqatgħu b’50 % sal-2050 – erba’ fatturi ewlenin se jikkontribwixxu għal dan:

aktar minn nofs permezz tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

madwar wieħed minn kull ħamsa permezz tar-riżorsi rinnovabbli;

wieħed minn kull ħamsa permezz tal-ġbir u l-ħżin tas-CO2;

li jibqa’ permezz tas-sorsi nukleari.

Fil-verità, uħud mit-teknoloġiji previsti f’dan ix-xenarju għadhom mhumiex disponibbli jew inkella għandhom bżonn titjib sostanzjali u tnaqqis fl-ispejjeż.

2.11   Fost it-teknoloġiji li għandhom jintużaw, qed jiġu suġgeriti s-CCS u l-iżvilupp ta’ vetturi elettriċi.

2.11.1   Fir-rigward tal-vetturi tal-elettriku, huwa mistenni progress teknoloġiku konsiderevoli:

fil-kapaċità tal-iċċarġjar tal-batteriji;

fl-iċċarġjar permezz ta’ riżorsi rinnovabbli, konnessi f’netwerks intelliġenti (smart grids);

f’tekniki ta’ lqugħ, sabiex jirrimedjaw għad-diskontinwità ta’ wħud mill-enerġiji rinnovabbli u fil-ħżin u l-preservazzjoni tal-enerġija;

fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni sabiex il-batteriji tal-vetturi jkunu jistgħu jinbidlu malajr, f’ċentri ta’ provvista attrezzati.

2.12   Huwa mistenni wkoll progress kbir, probabbilment wara l-2020, fl-iżvilupp tal-vetturi taċ-ċelluli li jaħdmu bl-idroġenu.

2.13   Il-vetturi tal-elettriku għalissa jonqoshom qafas legali Ewropew opportun u hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrimedja għal din il-qagħda fi żmien qasir (COM(2010) 186 finali).

2.14   Fil-fehma tal-KESE, il-produzzjoni ta’ elettriku dekarbonizzat għandha toffri opportunitajiet sostanzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-setturi aħħarin (pereżempju, permezz ta’ qlib mit-tisħin permezz ta’ riżorsi fossili għall-użu ta’ pompi effiċjenti ta’ sħana bil-gass).

2.15   Ix-xenarju “virtuż”, li jippermetti tnaqqis serju tal-emissjonijiet fl-atmosfera, jikkonsisti f’diversi miżuri abbinati flimkien (fosthom taħlita ta’ sistemi ta’ produzzjoni li tinkludi riżorsi rinnovabbli u nukleari, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, investiment f’teknoloġiji ġodda u ħżin tas-CO2). Barra minn hekk, huwa stmat (ir-rapport ETP tal-IEA – Xenarji u strateġiji sal-2050) li, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, il-fondi pubbliċi mmirati lejn il-programmi ta’ RŻ&D għat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju ser ikollhom jiżdiedu għal darbtejn sa ħames darbiet meta mqabbla ma’ dawk attwali, u t-tfassil u l-implimentazzjoni ser jeħtieġu l-adozzjoni tal-aħjar prattika eżistenti.

2.15.1   Ir-rapport tal-2010 tal-AIE dwar il-prospettivi teknoloġiċi fl-enerġija janalizza u jqabbel xenarji differenti filwaqt li jindika l-għażliet ewlenin għal ġejjieni enerġetiku aktar sikur u sostenibbli.

2.16   Għall-KESE, huwa fundamentali li wieħed iqis li ħafna sfidi fil-qasam tal-enerġija għandhom impatt enormi fuq il-popolazzjonijiet lokali, u dawn jixtiequ jsibu soluzzjonijiet marbuta mal-kuntest speċifiku li jgħixu fih u għandhom ċertu biża’ dwar tnaqqis jew restrizzjonijiet fil-livell ta’ ħajja u żvilupp tagħhom.

2.17   Il-progress li jrid jintlaħaq u/jew jiġi pprogrammat, fuq il-bażi tal-pjan direzzjonali għall-2050, bil-mira ta’ rivoluzzjoni ġenwina fl-enerġija msejsa fuq teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, ser jinkludi bosta għażliet, ibbażati fuq ħames varjabbli ewlenin:

rata aktar mgħaġġla fil-progess tekniku, xjentifiku u teknoloġiku;

impenn mill-pajjiżi kollha u mis-setturi kollha involuti biex jassumu b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tagħhom;

sostenibbiltà ta’ qafas finanzjarju affidabbli fuq perjodu twil;

il-possibbiltà li l-objettivi intermedji jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu adattati għall-iżvilupp tekniku u xjentifiku; u,

l-imġiba tad-diversi atturi fir-rigward tal-politika mħabbra u r-riskju ta’ informazzjoni ħażina, jew ottimista żżejjed jew pessimista żżejjed.

3.   Xenarji u għażliet

3.1   Diġà jeżistu diversi xenarji u għażliet, proposti minn organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi u privati u minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, bil-għan li joffru bażi għal strateġiji, politiki u strumenti operattivi.

3.2   Ix-xenarju bażiku ta’ dawn l-eżerċizzji kważi dejjem jikkonsisti fl-ipoteżi li l-gvernijiet jonqsu milli jintroduċu politiki ġodda dwar l-enerġija u l-klima.

3.3   Id-differenzi prinċipali bejn ix-xenarji orjentati lejn objettiv jinsabu fil-waqt tal-impatt aktar milli fil-firxa aħħarija tagħhom; ix-xenarji jiddefinixxu l-objettivi ta’ tnaqqis bi 30 % tal-emissjonijiet tas-CO2 marbuta mal-konsum tal-enerġija sal-2030 u t-tnaqqis tagħhom bin-nofs sal-2050 (meta mqabbla mal-2005), u jeżaminaw l-għażliet li jqumu l-inqas u dawk l-aktar rapidi għall-ilħiq tal-objettivi, bl-użu mifrux ta’ teknoloġiji bi spejjeż baxxi u b’livell baxx ta’ karbonju:

l-investiment jaqbeż b’EUR 36 triljun (EUR 1 = USD 1,28) (+ 17 %) dak previst fix-xenarju bażiku, filwaqt li l-iffrankar miksub fuq l-ispiża tal-karburant, meta mqabbel max-xenarju bażiku, ikun ta’ EUR 87 triljun;

it-teknoloġija CSS tintuża għall-ġbir ta’ 9,4 Gt ta’ CO2 minn impjanti ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku (55 %), impjanti industrijali (21 %) u impjanti ta’ trasformazzjoni tal-karburant (24 %);

l-emissjonijiet tas-CO2 tas-settur residenzjali u dak terzjarju jonqsu b’2/3, bis-saħħa tal-użu ta’ elettriku b’livell baxx ta’ karbonju, tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u taċ-ċaqliq minn teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi għal teknoloġiji mingħajr l-ebda emissjoni;

kważi 80 % tal-bejgħ tal-vetturi ħfief ikun ikkaratterizzat minn vetturi ibridi plug-in, vetturi tal-elettriku jew vetturi taċ-ċelluli tal-idroġenu;

l-emissjonijiet tas-CO2 li huma assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-elettriku jonqsu b’76 % filwaqt li l-intensità karbonika tagħhom tonqis għal 67 g CO2/kWh;

l-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija jonqsu bejn wieħed u ieħor bi kwart, l-aktar bis-saħħa ta’ effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija, is-sostituzzjoni tal-karburant, ir-riċiklaġġ, sistemi ta’ rkupru tal-enerġija u s-CCS.

3.3.1   Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, ikun jeħtieġ portafoll ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u bi prezzijiet raġonevoli. Ma teżistix teknoloġija waħda jew grupp żgħir ta’ teknoloġiji li jistgħu jwasslu għal bidla ta’ firxa simili għal dik meħtieġa.

3.4   Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-elettriku huwa ta’ importanza kruċjali u għandu jinvolvi żieda konsiderevoli fl-ishma ta’ enerġiji rinnovabbli u – f’dawk l-Istati Membri li ddeċidew li jużaw l-enerġija nukleari – anke fl-ishma tal-enerġija nukleari, kif ukoll l-użu ta’ sistemi CCS u l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku fl-impjanti termoelettriċi li jaħdmu b’karburant fossili.

3.5   L-isforzi fuq ir-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji fis-suq huma fundamentali, dment li jżommu l-pass mal-objettivi proposti fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni.

3.6   Ix-xenarju marbut mal-iżvilupp tal-fużjoni nukleari

Il-fużjoni hija s-sors ta’ enerġija li jmantni x-xemx u l-kwiekeb. Fid-dinja, toffri l-possibbiltà tal-għażla ta’ enerġija fit-tul li hija sikura u ma tagħmilx ħsara lill-ambjent sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ popolazzjoni dinjija li kulma jmur qed tikber. Fi ħdan il-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni (EFDA) ix-xjenzjati tal-fużjoni issa jistgħu jimmanipulaw plasma ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ gradi, f’tagħmir tal-fużjoni fuq skala industrijali, l-ikbar minnhom il-JET (Joint European Torus). Abbażi ta’ dawn is-suċċessi u oħrajn globali, bħalissa qiegħed jinbena fi Franza r-reattur sperimentali ITER – l-akbar proġett ta’ riċerka dwar l-enerġija fid-dinja; is-saħħa tal-fużjoni tiegħu ser tkun ekwivalenti ta’ dik li jipproduċi reattur ta’ daqs medju (500/700 MV). L-ITER huwa l-pont lejn l-ewwel impjant tal-enerġija li jservi biex juri t-teknoloġija fil-prattika u aktar tard lejn reattur kummerċjali ta’ medja ta’ madwar 1,5 GW. (Impjant tal-elettriku li jaħdem bil-fużjoni nukleari ma tantx jikkonsma karburant. Impjant ta’ 1GW jeħtieġ bejn wieħed u ieħor 100 kg ta’ dewterju u 3 tunnellati ta’ litju biex idum jaħdem sena, filwaqt li jiġġenera mas-7 biljun kWh. Biex jiġġenera l-istess ammont ta’ enerġija, impjant li jaħdem bil-faħam għandu bżonn mal-1,5 miljun tunnellata ta’ karburant fossili. (Sors: http://fusionforenergy.europa.eu)).

3.6.1   Ir-reazzjoni primarja, li fuqha hija bbażata l-fużjoni, ma tipproduċi la emissjonijiet niġġiesa u lanqas skart nukleari (ta’ min jinnota li, minkejja li l-ħitan tal-kamra tar-reazzjoni jsiru radjuattivi, matul il-ħajja tar-reattur, b’għażla adegwata tal-materjal, ir-radjuattività tinżel fi ftit għexieren ta’ snin. Wara mitt sena, il-materjal kollu jista’ jerġa’ jiġi riċiklat f’reattur ġdid. (Sors: www.jet.efda.org)). Ir-reazzjoni sseħħ bis-saħħa tal-fużjoni ta’ atomi li huma abbundanti fin-natura, l-aktar fl-ilma baħar. Barra minn hekk, il-proċess huwa intrinsikament sikur.

3.6.2   L-atomi involuti fir-reazzjoni primarja huma: id-dewterju, it-tritju, il-litju u l-elju. Il-proċess ta’ fużjoni ta’ dawn l-atomi jiġġenera ammont kbir ta’ enerġija, li toħroġ f’forma ta’ sħana, fi skambjatur, b’temperatura ta’ 550/650 °C (reattur nukleari medju li jaħdem maħsub għall-fissjoni jiġġenera temperatura medja ta’ 700 °C). L-iżvilupp ta’ materjal avvanzat jippermetti li jintlaħqu temperaturi ta’ 1 000 °C. Il-fwar li jiġi prodott iħaddem it-turbina (ir-rotor), li tiġġenera kurrent indott (stator).

3.6.3   Il-fużjoni ta’ nukleu ta’ dewterju (proton + newtron) ma’ atomu ta’ tritju (proton + 2 newtroni) toħloq nukleu ta’ elju (2 protoni + 2 newtroni) u jillibera newtron. Dan in-newtron jingħaqad ma’ atomu ta’ litju (3 protoni + 3 newtroni) u jiġġenera atomu ta’ elju (2 protoni + 2 newtroni) u atomu ta’ tritju (proton + 2 newtroni). Ġewwa l-kamra ta’ reazzjoni (Torus), il-materja tieħu għamla partikolari, li tissejjaħ plasma, b’temperaturi medji ta’ 200 miljun °C.

3.6.3.1   L-enerġija meħtieġa biex issaħħan il-plasma, fl-ITER, hija ta’ madwar 50 MW. Għalhekk, l-enerġija miksuba permezz tal-proċess tal-fużjoni tisboq b’għaxar darbiet l-enerġija meħtieġa biex jinbeda l-proċess: Q >10.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Fir-rigward tal-pjan direzzjonali għall-2050, il-KESE jixtieq jenfasizza l-kwistjonijiet li ġejjin:

spejjeż u redditu fuq l-investiment: ċaqliq mill-medja annwali ta’ madwar EUR 130 biljun matul dawn l-aħħar tliet snin għal medja ta’ EUR 600 biljun fis-sena;

identifikazzjoni ta’ fondi għall-investiment: assigurazzjoni ta’ qafas stabbli għall-investituri, previżjoni ta’ skemi adatti għar-redditu fuq l-investiment, assigurazzjoni ta’ appoġġ finanzjarju u inċentivi fiskali;

dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-elettriku: bidla radikali fil-politika tal-enerġija flimkien ma’ investiment imsaħħaħ biex tieqaf id-dipendenza mir-riżorsi fossili;

tfassil, tħaddim u implimentazzjoni tan-netwerks tal-elettriku: assigurazzjoni tal-flessibbiltà tal-ismart grids u l-impjanti tat-trasformazzjoni, għal ġestjoni aħjar tal-perijodi ta’ domanda għolja kif ukoll ġbir u ridistribuzzjoni tad-diversi forom ta’ enerġija (il-kontribut tas-sorsi rinnovabli tal-enerġija, permezz tal-użu ta’ arloġġi ta’ kejl intelliġenti, jibdel is-sistema tat-trasmissjoni tal-enerġija);

programmi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod partikolari għat-titjib tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-industrija (22 % tal-ammont totali);

tnaqqis tal-emissjonijiet globali diretti u indiretti mis-settur tal-bini (40 % tal-ammont totali), b’attenzjoni għall-aspetti strutturali kollha;

rigward is-settur tat-trasport (38 % tal-ammont totali), li dwaru l-KESE qed iħejji opinjoni speċifika, it-tnaqqis kbir tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-2050 ser jiddependi minn inqas użu tal-karburanti tradizzjonali, minn żieda tas-sehem tal-etanol u l-bijodiżil, minn karburanti itjeb tal-gass (LPG, CNG (gass naturali kkompressat), bijogass) u minn sejbiet u innovazzjonijiet teknoloġiċi;

koordinazzjoni internazzjonali: l-Ewropa, l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil għandhom jistabbilixxu objettivi komuni għall-perjodu 2030-2050, b’rispett lejn l-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minn dawn iż-żoni, għal-livelli ta’ żvilupp ekonomiku u t-tiżwiq b’riżorsi naturali.

4.2   L-objettivi ta’ tnaqqis tas-CO2 bi 20 % diġà ġew stabbiliti sal-2020: il-KESE qiegħed iħejji opinjoni f’dan ir-rigward.

4.3   Fir-rigward tal-pjan direzzjonali għall-2050, il-KESE jixtieq jenfasizza l-aspetti fondamentali li ġejjin:

rata aktar mgħaġġla tal-progress tekniku, xjentifiku u teknoloġiku: żieda ta’ fondi u programmi, mhux biss favur il-klima u s-sorsi tal-enerġija, iżda wkoll u b’mod speċjali għall-użu u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u strateġiċi;

impenn mill-pajjiżi, setturi u atturi kollha involuti, favur identifikazzjoni u assunzjoni ċara tar-responsabbiltà fl-UE;

sostenibbiltà ta’ qafas finanzjarju affidabbli fuq tul ta’ żmien, fir-rigward tal-baġit tal-UE, il-Patt ta’ Stabbiltà u l-politiki baġitarji tal-Istati Membri;

il-possibbiltà li l-objettivi intermedji jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu adattati għall-iżvilupp tekniku-xjentifiku;

l-imġiba tad-diversi atturi soċjali fir-rigward tal-politika prevista u mħabbra u r-riskju ta’ informazzjoni ħażina;

appoġġ għall-kultura xjentifika u teknika u inċentivi kulturali u finanzjarji sabiex jikber in-numru ta’ studenti fl-iskejjel teknoloġiċi ta’ livell għoli;

konformità u implimentazzjoni aktar bir-reqqa min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tad-direttivi Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija (pereżempju d-dewmien li bih ġiet trasposta d-Direttiva 2002/91/KE dwar l-iffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini).

tisħiħ tal-mekkaniżmi edukattivi u taħriġ f’dixxiplini xjentifiċi: inġinerija, fiżika, kimika bażika, arkitettura, ippjanar urban u inġinerija tal-impjanti, b’enfasi fuq il-ħolqien ta’ mudelli sistemiċi integrati, b’mod partikolari fil-qasam tan-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji tas-sistemi tal-enerġija, adegwati għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ CO2;

impenn politiku għal sistema Komunitarja integrata tal-enerġija b’regoli komuni; qafas regolatorju armonizzat u stabbli; standards tekniċi Komunitarji; impjanti Ewropej standardizzati tal-elettriku; skemi Komunitarji għal taħriġ omoġenju tal-persunal; skambju tal-aħjar prattika u informazzjoni dwar l-Aqwa Teknoloġiji Disponibbli (BAT – Best Available Technologies); sistemi informatiċi interoperabbli ta’ kontroll u sigurtà.

4.4   Mal-erba’ inizjattivi industrijali mnedija f’Ġunju 2010 (riħ, xemx, CCS u smart grids), għandhom jiżdiedu l-bijoenerġija u l-fissjoni nukleari, apparti l-FCH JTI (Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Karburant u l-Idroġenu) u l-ITER (Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali), għall-fużjoni nukleari.

4.5   Għall-KESE, huwa fundamentali li tiġi promossa effiċjenza akbar mhux biss fl-użu tal-enerġija iżda wkoll fl-użu tar-riżorsi naturali kollha u b’mod partikolari r-riżorsi tal-ilma.

4.6   Il-KESE jtenni l-importanza li “tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ karburanti u teknoloġiji alternattivi għat-trasport, l-enerġija, is-sħana u d-dawl. L-aqwa strateġija għat-tibdil fil-klima hija li jiġu żviluppati l-possibbiltajiet fil-qasam tal-enerġija” (ara CESE 766/2010).

4.7   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn ta’ azzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, li qed jissogra li jeskludi gruppi dejjem akbar ta’ ċittadini (l-ispejjeż relatati mal-għażliet ekoloġiċi jistgħu jkunu kbar, f’termini ta’ tariffi u/jew taxxi ogħla, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni), u jeħtieġ li tinġabar l-esperjenza Ewropea sabiex jinħolqu postijiet tax-xogħol ekoloġiċi ġodda – effettivi, dejjiema u kompetittivi – u jitnaqqsu l-inugwaljanzi (1), filwaqt li ċ-ċittadini jingħataw “aċċess għas-servizzi tal-enerġija u l-impjiegi li jinħolqu mill-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” (2).

4.8   Skont il-KESE, il-produzzjoni tal-elettriku hija qasam ta’ prijorità għal azzjoni sabiex jiġu żviluppati ishma dejjem akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ ġenerazzjoni li jużaw il-fissjoni nukleari mit-tielet għar-raba’ tip (b’livell minimu ta’ skart), isir investiment fit-teknoloġija tat-trattament tal-iskart u jiġi eżaminat l-użu mill-ġdid tal-iskart, fil-qafas tan-nanoxjenzi.

4.9   Fil-fehma tal-KESE, is-sistemi CCS huma importanti ħafna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għalhekk “l-iżvilupp mgħaġġel – bi spejjeż raġonevoli u kompetittivi – ta’ din it-teknoloġija u l-applikazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli għandhom ikunu l-miri ewlenin” (3) u mhux biss fir-rigward tal-ħames proġetti pilota.

4.10   Il-KESE jqis li huwa fundamentali li jissaħħaħ is-suq intern tal-enerġija “fir-rigward tal-infrastruttura, is-sistema tal-akkwist pubbliku, il-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. […] Il-kwistjoni bażika hija l-bżonn li jiġu żviluppati infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern tal-enerġija (4)”.

4.11   Għall-KESE, komunità integrata tal-enerġija hija indispensabbli, b’implimentazzjoni tal-Artikolu 1 tat-Trattat (TFUE) (5), f’qafas Ewropew integrat ta’ referenza, għall-kompetittività, il-benesseri u impjiegi ġodda għaċ-ċittadini Ewropej.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.65.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.81.

(3)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 75.

(4)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.81.

(5)  ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)”

COM(2010) 308 finali

2011/C 107/09

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar l-14 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)

COM(2010) 308 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS). Huwa jemmen li s-suċċess tal-programmi Ewropej tal-GNSS huwa importanti ħafna għall-prosperità u s-sigurtà futuri tal-UE. Huwa jappella lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri biex jagħrfu b’mod xieraq il-potenzjal ta’ din l-infrastruttura kritika, u biex jappoġġjawha b’fondi u riżorsi li jkunu biżżejjed biex tirnexxi.

1.2

Il-GNSS Ewropea hija vitali biex tinkiseb il-viżjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv imħaddan mill-Istrateġija Ewropa 2020 (1). It-tkabbir, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-ġid fl-Ewropa ser jiġu affettwati mis-suċċess tal-programm. Minbarra l-benefiċċji sostanzjali għas-sistemi ta’ trasport, il-GNSS hija kruċjali għall-Aġenda Diġitali (2) fir-rigward tal-applikazzjonijiet bħall-użu tal-kompjuter b’kuxjenza tal-kuntest, l-ismart grids u l-Internet tal-Affarijiet.

1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li d-dewmien fit-twettiq tal-GALILEO sewa lill-Ewropa l-opportunità li l-GNSS Ewropea tikseb il-pożizzjoni tat-teknoloġija dominanti fl-Ewropa u lil hinn. Is-sistema tal-GPS tal-Istati Uniti issa hija b’mod ċar il-mexxejja globali fit-teknoloġija tas-soluzzjonijiet GNSS. Dan id-dewmien qed ikompli jiswa ħafna lill-Ewropa meta jitqies id-dħul mitluf mill-bejgħ tat-teknoloġija u tas-servizzi, iżda wkoll meta titqies l-utilità pubblika - sistemi tat-trasport u sistemi tal-enerġija aktar intelliġenti u servizzi tar-riċerka u s-salvataġġ aħjar.

1.4

L-Ewropa għandha bżonn tipprovdi servizzi tal-GNSS Ewropej fl-infrastruttura tagħha stess, u li din ma tkunx tiddependi mill-prijoritajiet tal-Istati Uniti, tar-Russja jew taċ-Ċina għall-affidabbiltà tagħha.

1.5

Minħabba l-fatt li l-GPS inxtered daqstant, il-Kumitat jappella lill-industrija tal-UE biex tiffoka fuq l-interoperabbiltà bejn il-GALILEO u l-GPS, peress li l-applikazzjonijiet li jużaw iż-żewġ kostellazzjonijiet tas-satellita jistgħu jgawdu minn preċiżjoni akbar u disponibbiltà aħjar tas-sinjali.

1.6

L-EGNOS diġà ilha taħdem għal aktar minn sena. Sfortunatament, l-UE diġà qiegħda tard biex timbotta ’l quddiem din l-aġenda ta’ marketing u ta’ innovazzjoni. Il-Kummissjoni għandha bżonn iżżid il-pass tal-iżvilupp u l-innovazzjoni tas-suq, speċjalment jekk wieħed iqis l-ispiża tad-dewmien tal-GALILEO (sa EUR 3 biljun kull sena) u l-kompetizzjoni li qed tiżdied mill-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Ġappun.

1.7

L-iżvilupp bil-mod tal-applikazzjonijiet downstream tal-GNSS ifisser it-telf tal-innovazzjoni, tal-ħolqien tal-ġid u tal-pożizzjoni fis-suq. Suq prosperu tal-applikazzjonijiet Ewropej tal-GNSS iġib benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali sostanzjali kemm upstream kif ukoll downstream.

1.8

Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea (GSA) għall-ħidma li saret s’issa b’riżorsi limitati ħafna. U fil-kuntest ta’ dawn ir-riżorsi, il-prijoritizzazzjoni tal-oqsma tal-Komunikazzjoni hija loġika, u l-istrateġiji msemmija għal kull qasam huma maħsuba sew ukoll.

1.9

Il-GNSS Ewropea bħalissa għandha sehem żgħir mis-suq globali tal-prodotti u s-servizzi tal-GNSS. Il-Kumitat jappella biex isir pjan tan-negozju dettaljat għal tkabbir aggressiv tal-proporzjon tas-suq, u l-ħatra ta’ tim mill-aqwa ta’ professjonisti tan-negozju b’sengħa kbira li jkunu responsabbli biex jilħqu l-miri. Il-Kumitat jirrakkomanda li għandu jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni u tal-GSA, biex tinkiseb il-kummerċjalizzazzjoni tal-GNSS Ewropea.

1.10

Il-Komunikazzjoni tidentifika b’mod tajjeb il-kwalitajiet tal-preċiżjoni u tal-integrità tal-EGNOS/GALILEO bħala differenzjaturi kompetittivi kbar fis-suq tas-servizzi globali tal-GNSS; iżda dan is-sors ta’ differenzjar qed jittiekel b’ritmu mgħaġġel hekk kif il-kompetituri qed jinvestu fis-sistemi tagħhom u jtejbuhom. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li jsir investiment kontinwu fit-titjib tas-sistemi EGNOS u GALILEO biex tinżamm is-superjorità teknika. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex b’mod speċjali tidentifika sorsi oħra ta’ differenzjar strateġiku u biex tinvesti fl-iżvilupp ta’ vantaġġ kompetittiv sostenibbli.

1.11

Il-Kumitat jemmen li l-fatt sorprendenti li l-GALILEO ma ssemmix fl-Aġenda Diġitali huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni fil-ħsieb li sar fil-livell tal-politika fi ħdan il-Kummissjoni. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tidentifika sinerġiji bejn il-programmi Ewropej tal-GNSS, l-Aġenda Diġitali u l-inizjattivi ewlenin tal-Unjoni għall-Innovazzjoni, b’mod partikolari b’rabta mal-innovazzjoni, l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet, il-marketing u l-baġits. Jista’ jkun hemm benefiċċji sostanzjali jekk issir ħidma konġunta għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet u servizzi intelliġenti u biex jinkisbu l-għanijiet reċiproċi bl-inqas nefqa possibbli.

1.12

Il-Kumitat jappella lill-Kunsill biex jindirizza b’mod urġenti l-kwistjoni tal-iffinanzjar tal-EGNOS/GALILEO. Is-sitwazzjoni attwali ma tgħinx l-isforzi għall-ħolqien ta’ pjattaforma tal-GNSS Ewropea kummerċjali b’saħħitha.

1.13

Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-Ewropa għandha tippromovi l-pożizzjoni unika tal-GALILEO bħala l-ewwel GNSS ċivili fid-dinja li hu kompletament mhux militari biex tgħin fil-bini tal-proporzjon tas-suq fil-pajjiżi mhux allinjati, speċjalment fl-Afrika u l-Amerika t’Isfel. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tassumi rwol ta’ tmexxija attiv ħafna fil-Kumitat Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-GNSS (3).

1.14

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ strateġija li tagħti identità u ta’ tikketta ta’ kwalità (4) għat-teknoloġija u s-servizzi tal-EGNOS/GALILEO. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa dawn iż-żewġ għodod essenzjali għas-suċċess fis-suq. Ir-riżorsi u l-isforzi se jinħlew jekk ma jkunx hemm strateġija ċara tal-identità fis-suq li fuqha jistrieħu l-isforzi għar-reklamar. U se ssir ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni jekk titnieda teknoloġija tal-EGNOS/GALILEO b’disinn, inġinerija u implimentazzjoni ħżiena.

1.15

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar il-GALILEO, l-EGNOS, l-Ewropa 2020 u l-Aġenda Diġitali (5).

2.   Kuntest

2.1

Sirna daqstant dipendenti fuq is-servizzi pprovduti min-navigazzjoni bis-satellita fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li jekk jiġri li servizz jitnaqqas jew jintefa, potenzjalment dan itellef flejjes kbar (eż. f’termini ta’ dħul għan-negozji, is-sigurtà tat-toroq, eċċ.) lin-negozji, il-banek, it-trasport, l-avjazzjoni, il-komunikazzjoni, eċċ., fost ħafna oħrajn.

2.2

Il-GPS (Stati Uniti), il-GLONASS (Russja) u s-sistemi l-oħrajn żviluppati mill-Indja, il-Ġappun u ċ-Ċina huma sistemi militari taħt kontroll militari - huma veru li jipprovdu servizz ċivili iżda dan is-servizz ċivili jista’ jew jintefa’ jew isir inqas preċiż meta jkunu jixtiequ huma, pereżempju f’każ ta’ kunflitt.

2.3

Il-programmi EGNOS (sistema Ewropea ta’ navigazzjoni b’kopertura ġeostazzjonarja) u GALILEO nbdew f’nofs is-snin disgħin bil-għan li jistabbilixxu Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea indipendenti. L-EGNOS hija sistema reġjonali ta’ tisħiħ ibbażata fuq is-satelliti għall-Ewropa li ttejjeb is-sinjali li ġejjin minn sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita li jeżistu diġà, bħall-GPS. Il-GALILEO bħalissa qed jiġi żviluppat bħala is-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita tal-Ewropa.

2.4

L-Impriża Konġunta Galileo (GJU) - korp ta’ sħubija pubblika-privata mwaqqaf fl-2003 u li tneħħa fl-2006 - kien ingħata l-ħidma li jissorvelja l-attivitajiet ta’ żvilupp teknoloġiku tal-GALILEO, iżda, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-GJU kien imxekkel serjament minn kwistjonijiet ta’ governanza, baġit mhux komplet, dewmien u l-organizzazzjoni industrijali tal-fażi ta’ żvilupp u validazzjoni.

2.5

B’riżultat tal-falliment ta’ din is-sħubija pubblika-privata, l-UE ħarġet Regolament fl-2008 biex tieħu l-kontroll u s-sjieda sħaħ tal-programmi EGNOS u GALILEO. Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi; il-kwistjonijiet kollha dwar is-sigurtà tas-sistemi; u l-ġestjoni tal-fondi allokati għall-programmi. L-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea (GSA) hija responsabbli għas-sigurtà tal-programmi; li tikkontwibwixxi għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi; u tagħmel ħidmiet oħra marbutin mal-programmi li jingħatawlha mill-Kummissjoni.

2.6

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013 huwa ta’ EUR 3,405 miljun. Minkejja dan, dan l-iffinanzjar ad hoc ma kienx adatt u ma kienx hemm impenn dettaljat għall-iffinanzjar futur tal-programmi. Din il-problema tal-iffinanzjar xekklet serjament l-isforzi għall-iżvilupp.

2.7

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) jimmira li jqiegħed lill-industrija Ewropea fil-quċċata biex tibbenefika bis-sħiħ mis-suq downstream globali li jiswa madwar EUR 100 biljun bl-użu tal-GALILEO u l-EGNOS. Il-Kummissjoni temmen li l-industrija Ewropea għandha tiġbor l-akbar benefiċċju possibbli mill-investiment fil-programmi. Azzjoni kkoordinata mill-Kummissjoni Ewropea fost l-Istati Membri ser tiġbed l-akbar attenzjoni possibbli għall-bżonn ta’ investiment fir-riċerka, ser tiżgura l-usa’ tixrid possibbli ta’ informazzjoni vitali u ser tottimizza l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Dan għandu jevita l-kunflitt ta’ standards u d-duplikazzjoni tal-isforzi jekk isir minn Stati Membri individwali.

2.8

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tal-GNSS huwa importanti wkoll biex jiġi massimizzat il-valur maħluq fl-Ewropa mill-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. Pereżempju, il-GNSS Ewropea tista’ tieħu post it-teknoloġija Amerikana, Russa jew Ċiniża li tista’ tintuża għall-Internet tal-Affarijiet.

2.9

Bil-GALILEO l-Ewropa tista’ wkoll tisfrutta l-opportunitajiet ipprovduti min-navigazzjoni bis-satellita b’mod ħafna aktar wiesa’ milli kieku possibbli. Il-GALILEO ser jgħin lill-Ewropa żżomm u tiżviluppa l-għarfien tagħha fis-setturi tal-ispazju, tar-riċevituri u tal-applikazzjonijiet, u b’hekk jiġu żgurati d-dħul ekonomiku u l-impjiegi. Sondaġġi indipendenti u tbassir dwar is-suq jindikaw li dan u l-esternalitajiet f’termini ta’ utilità pubblika (applikazzjonijiet ġodda li jagħmlu t-trasport aktar effettiv, ġestjoni tat-toroq aħjar, traffiku li jniġġes inqas, operazzjonijiet ta’ salvataġġ li jkunu aktar effettivi, eċċ.) għandhom valur ta’ EUR 90 biljun matul l-ewwel għoxrin sena.

2.10

Minkejja dan, il-GNSS Ewropea qed tipprova tistabbilixxi lilha nfisha f’industrija li diġà hija ddominata mis-sistema tal-GPS tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-sistema GLONASS tar-Russja qed tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi pubbliċi tagħha fi żmien qasir filwaqt li s-sistema Ċiniża COMPASS hija mistennija li tibda toffri s-servizzi mis-sena d-dieħla.

2.11

Iċ-Ċina qed tespandi s-sistema reġjonali ta’ navigazzjoni tagħha Beidou fis-sistema globali COMPASS bl-għan speċifiku li toffri servizzi ċivili kompetittivi madwar id-dinja. Sabiex tilħaq din l-ambizzjoni, iċ-Ċina ħadet parti mill-ispettru tar-radju allokat lill-GALILEO, billi qalet li l-Ewropa ma kinitx qed tużah u li għalhekk kellha d-dritt li tieħdu. L-UE qed tipprova ssolvi l-kwistjoni fl-ogħla livell diplomatiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Biex jiżguraw l-ekonomija u l-kwalità tal-potenzjal tas-servizz tal-GNSS Ewropea, il-GALILEO u l-EGNOS iridu jsiru l-GNSS standard fl-Ewropa, ikunu interoperabbli mal-GPS u jipprevjenu lill-oħrajn (iċ-Ċina, ir-Russja, eċċ.) milli jieħdu dan il-post.

3.2

L-interoperabbiltà bejn il-GALILEO u l-GPS hija vantaġġ li l-industrija tal-UE trid taħtaf, peress li l-applikazzjonijiet li jużaw iż-żewġ kostellazzjonijiet tas-satellita jistgħu jgawdu minn preċiżjoni akbar u disponibbiltà aħjar tas-sinjali.

3.3

Il-programmi EGNOS u GALILEO jeħtieġu tmexxija ċara u appoġġ sħiħ mingħajr ambigwità mill-UE biex titranġa l-ħsara li saret lill-fiduċja fis-suq minħabba l-waqgħa tas-sħubija pubblika-privata GJU.

3.4

Il-ħolqien u l-effett ta’ lieva tal-vantaġġi kompetittivi tal-GNSS Ewropea huma kritiċi biex din tirnexxi. Dan jinkludi miżuri regolatorji u miżuri oħra tas-suq li l-UE tista’ tuża favur tagħha.

3.5

Strateġija tas-suq ta’ suċċess trid tqis il-perspettiva “prodott/suq/katina tal-valur” għal kull settur inkluż fl-industrija tal-GNSS Ewropea: l-elettronika, is-software, it-telefons ċellulari, ir-radju, il-hardware, is-satelliti u s-servizzi.

3.6

Filwaqt li tirrispetta l-liġijiet internazzjonali dwar il-kompetizzjoni, l-UE għandha wkoll tiddefinixxi s-setturi li fihom jistgħu jiddaħħlu regolamenti ġodda biex isir użu mill-benefiċċji li ġġib magħha l-GNSS, b’mod partikolari l-EGNOS u l-GALILEO: forsi l-UE tista’ tagħmel leġislazzjoni għal oqsma speċjali, bħas-sistemi ta’ navigazzjoni ajrunawtika, li bilfors ikollhom jużaw ir-riċevituri tal-GALILEO fl-applikazzjonijiet u l-prodotti (kif diġà għamlu r-Russi għall-GLONASS). Forsi l-UE tista’ wkoll tiddefinixxi standards minimi ta’ preċiżjoni u ta’ integrità għal ċerti applikazzjonijiet biex jintużaw il-benefiċċji tal-GALILEO u l-kompetizzjoni tintefa’ fi żvantaġġ.

3.7

Meta wieħed iqis l-importanza taċ-chipsets tar-riċevituri (6) għall-penetrazzjoni tas-suq u għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, l-iżvilupp ta’ chipsets tar-riċevituri doppji li jkunu rħas (GPS + GALILEO) huwa importanti immens. In-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għandha tiġi mmirata b’mod speċjali lejn dan il-għan.

3.8

L-effetti tal-kurva tat-tagħlim (experience curve effects) ikkawżati minn produzzjoni f’volumi kbar huma ta’ importanza kritika għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri. Għandu jsir studju speċjali dwar kif l-UE tista’ tiżgura li l-komponenti tar-riċevitur GALILEO jiksbu volumi ta’ manifattura għoljin biżżejjed biex jikkompetu mar-riċevituri unikament tal-GPS.

3.9

Meta tkun qed tqis kif tiżviluppa l-industrija tal-applikazzjonijiet għall-GNSS Ewropea, il-Kummissjoni għandha tieħu r-rwol ta’ mexxejja fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ clusters tal-innovazzjoni.

3.10

Il-Kummissjoni tista’ tgħin biex jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, prodotti u servizzi għall-GNSS billi tqabbad kumpaniji korporattivi kbar bħala promoturi tal-proġett. Dawn il-promoturi jistgħu forsi jmexxu l-iżvilupp tal-clusters tal-SMEs f’oqsma ta’ applikazzjoni speċifiċi jew fi spazji tal-prodotti/tas-suq.

3.11

It-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni ser ikunu kruċjali għall-involviment b’suċċess tal-SMEs fl-iżvilupp tas-suq tal-applikazzjonijiet tal-GNSS. Il-Programm dwar l-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni għandu jintuża biex irawwem l-involviment tal-SMEs.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-istrateġija

4.1.1

Il-GALILEO u l-EGNOS iridu jsiru l-bażi standard tal-GNSS fl-Ewropa.

4.1.2

L-UE għandha taħtaf minnufih l-opportunità biex testendi l-EGNOS biex tkun tkopri l-ajruporti sinifikanti kollha fl-Afrika. Din tkun mossa strateġika intelliġenti fuq tul ta’ żmien u għandha tittieħed qabel ma jkunu l-kompetituri li jieħdu l-azzjoni, speċjalment iċ-Ċina.

4.1.3

L-EGNOS diġà ilha operattiva aktar minn sena. Għandu jkun hemm aktar urġenza fil-programmi ta’ marketing u ta’ innovazzjoni.

4.1.4

Il-Kummissjoni u l-GSA għamlu biċċa xogħol eċċellenti għalkemm kellhom kompitu diffiċli u riżorsi limitati ħafna. Forsi għandu jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta bla dewmien biex tinkiseb il-kummerċjalizzazzjoni tal-GNSS Ewropea L-iżvilupp kummerċjali tal-EGNOS u l-GALILEO huwa kritiku għas-suċċess fuq tul ta’ żmien u s’issa ftit sar xogħol dwar din l-isfida vitali u kumplessa.

4.1.5

L-UE għandha bżonn strateġija ta’ żvilupp tas-suq aggressiva, immexxija minn tim b’ħiliet eċċellenti u b’għanijiet ċari li jistgħu jitkejlu.

4.1.6

Hemm bżonn ta’ tmexxija ċara u appoġġ sħiħ mill-UE biex tinqered kull inċertezza li hija mdawra biha l-GNSS.

4.1.7

Il-fiduċja fit-tmexxija u l-immaniġġjar tal-programmi tal-GNSS hija kruċjali għall-appoġġ fi ħdan l-UE u fis-suq. L-istrutturi ta’ tmexxija u ta’ mmaniġġjar li jeżistu bħalissa għandhom jiġu eżaminati biex jiġu evalwati liema tibdiliet jeħtieġ li jsiru.

4.1.8

Il-finanzi addizzjonali għall-programmi ta’ marketing u ta’ innovazzjoni għandhom jinstabu billi ssir ħidma kreattiva u b’sinerġija ma’ inizjattivi oħrajn, bħall-Aġenda Diġitali u l-Unjoni għall-Innovazzjoni.

4.1.9

Strateġija ta’ marketing u ta’ innovazzjoni bbażata fuq il-katina tal-valur/prodott/oqsma tas-suq hija meħtieġa għal kull parti tal-industrija downstream: l-elettronika, is-software, it-telefons ċellulari, ir-radju, il-hardware u s-servizzi.

4.1.10

Il-Kummissjoni għandha tinvestiga s-setturi li fihom jistgħu jiddaħħlu regolamenti ġodda biex isir użu mill-benefiċċji miġjuba mill-applikazzjonijiet u t-teknoloġiji tal-GNSS Ewropea.

4.1.11

Għandhom jiġu identifikati miżuri regolatorji li jiffavorixxu l-għażla tat-teknoloġiji EGNOS/GALILEO fuq teknoloġiji inferjuri, speċjalment għal applikazzjonijiet li jeħtieġu l-fiduċja fil-kontinwità tas-servizz jew livelli għoljin ta’ preċiżjoni u integrità, jew għas-sigurtà.

4.1.12

L-UE għandha tagħmel l-almu tagħha fil-forums Ewropej dwar l-istandards tal-industrija (trasport, avjazzjoni, biedja, eċċ.) biex tikseb il-preferenza għat-teknoloġija EGNOS/GALILEO u biex tippromovi l-interoperabbiltà eżistenti bejn il-GALILEO u l-GPS.

4.1.13

Il-fatt li l-prezz taċ-chipsets tar-riċevituri EGNOS/GALILEO jkun irħas minn dak taċ-chipsets li jirċievu s-sinjali tal-GPS biss, għandu jkun prijorità strateġika ewlenija. L-effetti tal-kurva tat-tagħlim ikkawżati minn produzzjoni f’volumi kbar huma ta’ importanza kritika għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri, u għalhekk l-adozzjoni tagħhom minn dawk li jipprovdu s-soluzzjonijiet.

4.1.14

Għandhom isiru sforzi kbar biex jinstabu sinerġiji mal-Aġenda Diġitali u l-inizjattivi tal-Unjoni għall-Innovazzjoni għal programmi ta’ marketing u innovazzjoni kollaborattivi.

4.1.15

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-intraprenditorija fost l-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jipprovdu l-applikazzjonijiet tal-GNSS.

4.1.16

Għandu jinbeda programm apposta għall-iżvilupp ta’ clusters tal-innovazzjoni li jkopri l-opportunitajiet kollha tal-prodott/tas-suq għall-EGNOS u l-GALILEO.

4.1.17

Għandha tinħoloq mappa tal-valur biex turi l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet kollha li jistgħu jew għandhom jiġu involuti fil-ħolqien ta’ teknoloġiji, applikazzjonijiet u servizzi għall-EGNOS/GALILEO. Il-mappa tal-valur għandha turi r-rabtiet eżistenti jew potenzjali bejn il-ħafna atturi differenti. Għandha sservi ta’ għodda b’saħħitha ta’ strateġija biex jiġu identifikati l-opportunitajiet, jiġu analizzati l-problemi u jiġu żviluppati l-pjani.

4.1.18

Kumpaniji korporattivi kbar għandhom jiġu identifikati u mqabbda biex jappoġġjaw u jmexxu formalment l-iżvilupp tal-applikazzjoni tal-GNSS fi ħdan l-Ewropa.

4.2   Innovazzjoni

4.2.1

Il-kwalità tat-teknoloġija u s-servizzi tal-EGNOS/GALILEO introdotti fis-suq dejjem għandha tkun tal-ogħla standard. Għandu jinżamm kontroll tal-kwalità strett fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-implimentazzjoni fil-livell tal-utent finali.

4.2.2

Għandhom jinstabu sorsi ġodda ta’ differenzjar lil hinn mill-preċiżjoni u l-integrità, forsi permezz tal-innovazzjoni tal-mudell tan-negozju li joħloq offerti mtejba li jingħaqdu ma’ teknoloġiji u servizzi oħrajn.

4.2.3

F’kooperazzjoni mal-Aġenda Diġitali u l-programmi tal-Unjoni għall-Innovazzjoni, għandhom jitħeġġu l-prodotti u s-servizzi intelliġenti li jużaw teknoloġiji u komponenti tas-servizz integrati.

4.2.4

Il-forum dwar l-applikazzjonijiet għandu jfittex parteċipanti ’l barra mill-oqsma attwali tat-teknoloġija u s-servizzi. Involviment bħal dan jistimola l-innovazzjoni u l-ħsieb kreattiv lil hinn mis-sorsi identifikati attwalment.

4.2.5

L-iżvilupp ta’ chipsets doppji GPS/EGNOS/GALILEO irħas għandu jkun prijorità.

4.2.6

Hemm bżonn ta’ strateġija biex jintużaw b’mod suffiċjenti l-effetti tal-kurva tat-tagħlim ikkawżati mill-produzzjoni f’volumi kbar għax dawn huma kruċjali għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri, sabiex il-prezzijiet taċ-chipsets tal-EGNOS/GALILEO jkunu jistgħu jikkompetu maċ-chipsets li jirċievu s-sinjali tal-GPS biss.

4.3   Marketing

4.3.1

Il-ħidma biex jiġi żviluppat is-suq tal-applikazzjonijiet tal-GNSS għandha tkun f’idejn professjonisti tal-marketing. L-istrutturi attwali u l-persunal għandhom jiġu riveduti b’rabta ma’ dan ir-rekwiżit. Forsi hemm bżonn li jsir kuntratt ma’ kumpanija esperta biex tagħmel dan ix-xogħol taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni u tal-GSA.

4.3.2

Pjan ta’ marketing dettaljat, meqjus tajjeb u ffinanzjat b’mod sħiħ huwa essenzjali għat-twettiq b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni.

4.3.3

Għandhom jitwaqqfu għanijiet SMART biex jikber il-proporzjon globali tad-dħul downstream mill-GNSS. Dawn il-miri għandhom jitwaqqfu għal kull suq immirat u għal kull segment tal-katina tal-valur.

4.3.4

Għandha tiġi żviluppata strateġija globali ta’ identità għall-EGNOS/GALILEO biex jiġu allinjati l-għanijiet, jiġi enfasizzat il-valur tad-“ditta”, jiġu ssemplifikati l-komunikazzjonijiet tas-suq u jiġu ċċarati l-prijoritajiet tas-suq.

4.3.5

Għandha titnieda kampanja ta’ edukazzjoni u ta’ komunikazzjoni pubblika li tkun immirata u ffinanzjata tajjeb għall-promozzjoni tal-EGNOS/GALILEO fost iċ-ċittadini. Dan għandu jsir biss fil-kuntest ta’ strateġija ta’ identità adatta.

4.3.6

Għandha tiġi żviluppata tikketta ta’ kwalità għat-teknoloġiji kollha approvati tal-EGNOS/GALILEO sabiex l-isem EGNOS/GALILEO ikun jista’ jitħares minn ħsara fir-reputazzjoni.

4.3.7

L-evanġelisti (il-promoturi) għandhom ikunu impenjati li jferrxu l-kelma u jikkonvinċu lill-SMEs jaħtfu din l-opportunità ta’ żvilupp.

4.3.8

Għandhom jiġu identifikati u mħajra jiġu involuti promoturi u nies li jinfluwenzaw l-opinjonijiet mis-swieq immirati kollha, speċjalment minn fost il-kumpaniji korporattivi kbar.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – COM(2010) 2020.

(2)  Aġenda Diġitali għall-Ewropa - COM(2010) 245 finali.

(3)  http://www.oosa.unvienna.org/oosa/SAP/gnss/icg.html

(4)  B’tikketta ta’ kwalità, il-Kumitat ifisser sistema ta’ trademark biex il-provvedituri approvati tat-teknoloġija EGNOS/GALILEO jingħataw liċenzja biex ibigħu teknoloġija u soluzzjonijiet li jkunu jilħqu standards tekniċi ta’ eċċellenza stretti. Pereżempju, din it-tip ta’ sistema ta’ trademark intużat b’suċċess mill-WiFi Alliance globali biex taċċellera s-suċċess tas-suq tat-teknoloġija “wireless LAN”. Ara http://en.wikipedia.org/wiki/Wi-Fi_Alliance

(5)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103–104 u ĠU C 54, 19.2.2011; p. 58.

(6)  Chipset huwa grupp ta’ ċirkwiti jew chips integrati, li huma mfassla biex jaħdmu flimkien. Normalment jiġu kummerċjalizzati bħala prodott wieħed. Normalment chipset huwa ddisinjat biex jaħdem ma’ familja speċifika ta’ mikroproċessuri. Minħabba li jikkontrolla l-komunikazzjonijiet bejn il-proċessur u l-istrumenti esterni, iċ-chipset għandu rwol kruċjali biex jiddetermina l-prestazzjoni tas-sistema.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE”

COM(2010) 311 finali

2011/C 107/10

Relatur: is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar il-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE

COM(2010) 311 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'104 voti favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li jinħtieġ li s-sigurtà fl-avjazzjoni tkun interess legali li għandu jiġi protett, iżda jqis li l-Kummissjoni għandha tadotta f'dan ir-rigward approċċ aktar olistiku fejn “l-iskambju tal-intelliġenza u l-analiżi tal-fattur uman” ikunu jikkostitwixxu wkoll elementi essenzjali u mhux biss l-użu ta’ teknoloġiji li joħolqu dubji u riskji serji li, sal-lum il-ġurnata, għadhom hemm.

1.2   L-użu ta’ dan it-tip ta’ skanner jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jirrigwardaw id-dinjità tal-bniedem, il-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data, minħabba l-ħżin, l-istampar, it-trażmissjoni jew iż-żamma mhux dovuti ta’ immaġnijiet li jistgħu jixxandru aktar tard. Il-Kumitat iqis li, fiċ-ċirkustanzi l-oħra, il-passiġġier għandu jkollu d-dritt jagħżel jekk jissottomettix ruħu għal dan it-tip ta’ kontroll jew le (opt out), u tkun xi tkun l-għażla tiegħu, għandu jżomm id-dritt li jsiefer. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu stabbiliti garanziji legali sodi biex il-persuni li jagħmlu din l-għażla ma jkollhomx piżijiet addizzjonali bħal stennijiet tedjanti fil-kjus tal-kontroll jew tfittxijiet bir-reqqa.

1.3   Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi studji konklużivi dwar l-impatt potenzjali ta’ dawn l-istrumenti fuq saħħet il-passiġġieri u l-membri tal-persunal li jiġu sottomessi għal dawn il-kontrolli ta’ spiss minħabba l-professjoni tagħhom, għax f'każ ta’ dubju, ikun aħjar li jintuża tip ta’ tagħmir ieħor.

1.4   Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għal protezzjoni legali effettiva li għandha tiggarantixxi lill-parti l-aktar dgħajfa, jiġifieri l-passiġġier li juża l-linji tal-ajru u l-ajruporti, għax mingħajr dawn il-garanziji proċedurali suffiċjenti, id-drittijiet individwali ma jistgħux jiġu żgurati.

1.5   Fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod serju l-alternattivi għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà u l-iskanners tal-persuna (body scanners). Bħala alternattiva jistgħu jintużaw sistemi tekniċi biex jiġu lokalizzati b'mod skematiku u rikonoxxuti s-sorsi ta’ theddid, li mbagħad jiġu identifikati bl-eżatt permezz ta’ kontroll bl-idejn.

2.   Introduzzjoni u kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tittratta s-suġġett tal-iskanners ta’ sigurtà, bħala riżultat tal-użu regolat u dejjem jikber tagħhom fil-livell nazzjonali fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea.

2.2   Skont il-Kummissjoni, huma biss l-istandards komuni Ewropej għas-sigurtà fl-avjazzjoni li jistgħu jipprovdu l-qafas biex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti.

2.3   Il-Kummissjoni tqis li s-sigurtà fl-avjazzjoni qiegħda tiffaċċja tipi ġodda ta’ theddid illum; theddid li għalih it-teknoloġiji tradizzjonali ta’ sigurtà użati fl-ajruporti ma jistgħux jagħtu risposta adegwata u effiċjenti. Konsegwentement, xi Stati Membri tal-UE bdew jittestjaw u jinstallaw skanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tagħhom. Dan qiegħed jirriżulta fl-użu ta’ regoli differenti madwar l-UE.

2.3.1   “Skanner ta’ sigurtà” huwa t-terminu ġeneriku użat għal teknoloġija li hija kapaċi tidentifika oġġetti li jinġarru taħt il-ħwejjeġ. Diversi forom ta’ radjazzjoni li tvarja fil-wavelength u l-enerġija li toħroġ jintużaw sabiex jiġi identifikat kwalunkwe oġġett distint mill-ġilda tal-bniedem.

2.4   Skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-użu ta’ skanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tagħhom jew i) billi jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw miżuri ta’ sigurtà li huma aktar stretti mir-rekwiżiti eżistenti tal-UE jew ii) billi jeżerċitaw temporanjament id-dritt tagħhom li jippruvaw proċessi jew metodi tekniċi għal perjodu massimu ta’ 30 xahar.

2.5   Fir-rigward tas-saħħa u b'mod aktar partikolari l-użu ta’ radjazzjoni jonizzanti, il-leġislazzjoni Ewropea taħt it-Trattat tal-Euratom tistabbilixxi limiti għad-dożi ta’ radjazzjoni awtorizzata (ad hoc u fis-sena). Din titlob ġustifikazzjoni leġittima għall-espożizzjoni tal-bniedem għar-radjazzjoni u teħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni biex jiżguraw espożizzjoni kemm jista’ jkun baxxa.

2.6   Il-Kummissjoni tindika li l-prinċipju ewlieni tar-regoli kemm Ewropej kif ukoll internazzjonali huwa li ma jittellgħux f'ajruplan oġġetti ta’ theddida bħal armi, skieken u splussivi (“oġġetti pprojbiti”).

2.6.1   Dan il-qafas regolatorju komuni jipprevedi l-istabbiliment ta’ “waqfa ta’ sigurtà waħda”, li diġà ġiet stabbilita f'xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux kompletament, u fil-futur din il-waqfa ser tkun l-aktar element importanti ta’ faċilitazzjoni, kemm għall-industrija kif ukoll għall-passiġġieri.

2.7   Taħt il-qafas legali attwali tal-UE għas-sigurtà fl-avjazzjoni, l-Istati Membri u/jew l-ajruporti jingħataw lista ta’ metodi u teknoloġiji għall-iskrinjar u l-kontroll li minnha għandhom jagħżlu l-elementi neċessarji sabiex iwettqu b'mod effettiv u effiċjenti l-kompiti tagħhom tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

2.7.1   Il-Kummissjoni tinnota li l-leġislazzjoni attwali ma tippermettix lill-ajruporti jissostitwixxu sistematikament xi wieħed mill-metodi u t-teknoloġiji ta’ skrinjar rikonoxxuti bl-iskanners ta’ sigurtà. Deċiżjoni tal-Kummissjoni, sottomessa għall-proċedura ta’ komitoloġija u appoġġjata mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biss tista’ tkun il-bażi biex l-iskanners ta’ sigurtà jitħallew jintużaw bħala metodu ieħor eliġibbli għas-sigurtà fl-avjazzjoni.

3.   Kummenti

3.1   Il-KESE għandu riservi importanti u serji fir-rigward tal-approċċ tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-prinċipju, hu jopponi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni eventwali ta’ regolament fil-futur li jista’ jwassal għal spejjeż kbar għall-individwi, ħaġa li tolqot l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Issa, billi ninsabu f'kuntest fejn it-teknoloġiji jevolvu ħafna, il-Kumitat jista’ biss ikun favur mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sigurtà li juża teknoloġiji inqas intrużivi, jekk is-sistema tkun kompletament affidabbli, ma tkunx ta’ ħsara għad-drittijiet fundamentali u ma tpoġġix saħħet in-nies fil-periklu.

3.1.1   B'mod aktar partikolari, il-Kumitat jindika mill-inqas erba' aspetti tal-Komunikazzjoni li jippreżentaw lakuni legali serji.

3.1.2   L-ewwel nett, il-Kumitat jesprimi dubji fir-rigward tal-adegwatezza tal-għan prinċipali tal-att leġislattiv inkwistjoni (l-introduzzjoni ġeneralizzata fl-ajruporti kollha tal-UE tal-“iskanners ta’ sigurtà”) biex jintlaħaq il-livell massimu ta’ sigurtà fl-avjazzjoni. Anki jekk skont il-Kummissjoni l-introduzzjoni tal-iskanners hija fakultattiva, il-passiġġieri ma jkollhomx l-għażla jekk jissottomettux ruħhom għal dan il-kontroll jew le. Qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ dan it-tip, għandu jiġi applikat it-“test tal-proporzjonalità” bejn il-ħtieġa tal-adozzjoni tagħha u aspetti oħra bħall-ispejjeż marbuta mal-użu ta’ dawn l-iskanners ta’ sigurtà. Fil-kundizzjonijiet attwali, l-użu ta’ dawn is-sistemi (spejjeż biex jinxtara t-tagħmir bażiku u s-software komplementari) fl-ajruporti kollha tal-UE huwa għali ħafna għall-awtoritajiet pubbliċi, fid-dawl tad-dubji serji dwar l-affidabbiltà ta’ dawn is-sistemi, dwar saħħet in-nies u l-fatt li jistgħu jkunu ta’ ħsara għad-drittijiet fundamentali. Minħabba li dan is-suq jevolvi ħafna, il-KESE jemmen li hu aktar razzjonali li wieħed jistenna teknoloġiji aktar perfezzjonati, inqas intrużivi u li jissodisfaw aħjar l-objettiv mistenni, jiġifieri s-sigurtà fl-avjazzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu kkunsidrati b'mod serju l-alternattivi għall-użu tal-iskanners ta’ sigurtà u l-iskanners tal-persuna (body scanners). Bħala alternattiva jistgħu jintużaw sistemi tekniċi biex jiġu lokalizzati b'mod skematiku u rikonoxxuti s-sorsi ta’ theddid, li mbagħad jiġu identifikati bl-eżatt permezz ta’ kontroll bl-idejn.

3.1.3   It-tieni nett, il-Kumitat jesprimi riservi fir-rigward tal-limitazzjoni stretta tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mill-implimentazzjoni futura tar-regolament. B'xorti ħażina, f'qorti fi Florida li tuża sistema ta’ mewġ millimetriku, l-aġenti żammew 35 000 immaġni li xxandru fuq l-internet, u b'hekk inkisru d-drittijiet fundamentali ta’ eluf ta’ persuni.

3.1.4   Fl-aħħar nett, l-għażla tat-tip ta’ att li tagħmel il-Kummissjoni tista’ tiġi ddubitata, l-istess bħall-proċedura ta’ adozzjoni.

3.2   Kollox ma' kollox, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u f'dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jidher li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tirrispettax għalkollox it-tliet kriterji – il-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-legalità – li għandhom jiġu ssodisfati għall-miżuri kollha adottati mis-setgħat pubbliċi ta’ Unjoni (jew ta’ Stat) tad-dritt, sabiex dawn ma jnaqqsux jew ma jillimitawx l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni.

3.2.1   Fir-rigward tal-ewwel aspett imsemmi, il-Kumitat jesprimi riservi serji dwar ir-rabta inċerta bejn il-miżura proposta (l-introduzzjoni tal-“iskanners ta’ sigurtà”) u t-twettiq ta’ standards ogħla ta’ sigurtà fl-avjazzjoni.

3.2.2   Il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi b'mod espliċitu fil-Komunikazzjoni tagħha, meta tivvaluta l-impatt tal-introduzzjoni ta’ metodi u teknoloġiji ġodda wara diversi inċidenti li kienu ta’ periklu għas-sigurtà fl-avjazzjoni f'dawn l-aħħar snin, li din “qed tirriżulta dejjem aktar ineffiċjenti” u, minflok, titlob “approċċ aktar olistiku, fejn l-elementi ewlenin fil-futur ikunu jikkonsistu f'titjib fl-iskambju tal-intelliġenza u fl-analiżi tal-fattur uman”.

3.2.3   Din il-perspettiva taqbel, u dan mhux b'kumbinazzjoni, mal-pożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data li, fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, fassal rapport ad hoc dwar ir-regolamentazzjoni kontroversjali u ddefenda dan l-approċċ fl-opinjonijiet kollha tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà Ewropej quddiem it-theddidiet terroristiċi.

3.2.4   Għandu jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ approċċ Ewropew għall-problema tas-sigurtà fl-avjazzjoni mingħajr l-ebda diskriminazzjoni u l-implimentazzjoni definittiva ta’ “waqfa ta’ sigurtà waħda”, b'mod li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tal-kunsens biex persuna tissottometti ruħha b'mod volontarju għall-kontrolli b'dawn it-teknoloġiji.

3.2.5   Il-pożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma tal-Artikolu 29, imwaqqaf mid-Direttiva 95/46/KE hija saħansitra aktar soda. Fil-qafas tal-konsultazzjoni tiegħu adottata fil-11 ta’ Frar 2009, huwa jisħaq li dawn l-iskanners ma jirrappreżentawx alternattiva għal metodi oħra li diġà ntużaw biex jiġu identifikati l-elementi li jippreżentaw theddida għas-sigurtà fl-avjazzjoni, u jasal għall-konklużjoni li sal-lum il-ġurnata m'hemm l-ebda element li juri l-ħtieġa li l-istrumenti ta’ kontroll attwali fl-ajruporti jiġu sostitwiti minn dawn l-iskanners.

3.3   Barra minn hekk, il-Kumitat jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu rigward l-impatt qawwi li l-implimentazzjoni tal-proposta li tirriżulta mill-Komunikazzjoni jista’ jkollha fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali.

3.3.1   Id-drittijiet fundamentali kkonċernati jikkontrastaw ukoll mal-analiżi bir-reqqa tal-valutazzjoni tal-ispiża ekonomika tal-installazzjoni tal-iskanners fl-ajruporti biex il-vantaġġi tagħhom jiġu ġġustifikati b'raġunijiet validi.

3.3.2   Hawnhekk għandu jinstab bilanċ tajjeb bejn il-libertà u s-sigurtà. Dan jitlob interpretazzjoni bir-reqqa tal-leġislazzjoni għal diversi raġunijiet.

3.3.3   L-ewwel nett, id-drittijiet u l-libertajiet l-aktar milquta jagħmlu parti, kważi kollha kemm huma, minn dak li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis bħala l-bażi fundamentali, li ma tista’ tintmiss minn ħadd, tal-ordni pubbliku mwaqqfa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3.3.4   Konsegwentement, kwalunkwe restrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet għandha tiġi applikata b'mod eċċezzjonali, meta ma jkunx hemm flessibilità għal alternattivi oħra legalment inqas vinkolanti, u għandha tkun soġġetta għal kontrolli sopranazzjonali u għandha tkun kompatibbli mal-prattiki ta’ soċjetà demokratika avvanzata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha, fir-regolament futur, tipprevedi proċeduri sommarji u prijoritarji jew għandha tirreferi għall-proċeduri li diġà jeżistu fl-Istati Membri, biex tirrimedja għall-possibilità ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

3.3.5   Barra minn hekk, bħalma tindika l-avukata ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-kawża C-345/06 (Heinrich), ukoll b'rabta mal-adozzjoni ta’ att leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, fl-UE ma jagħmilx sens li wieħed iressaq argumenti li jiġġustifikaw is-sospensjoni jew il-limitazzjoni tal-garanziji tad-drittijiet fundamentali għall-prevenzjoni tar-riskji li jheddu s-sigurtà pubblika u li jistgħu jkunu partikolarment għoljin f'perjodi jew f'ċirkustanzi diffiċli.

3.4   Il-KESE huwa partikolarment preokkupat dwar is-saħħa tal-passiġġieri u l-membri tal-persunal li jiġu sottomessi għall-effett ta’ dawn il-kontrolli minħabba l-professjoni tagħhom. F'dan il-kuntest, rigward il-protezzjoni tas-saħħa li tista’ tiġi garantita mill-użu ripetut ta’ tagħmir sofistikat, il-Kumitat jitlob li dan it-tagħmir għandu jitħaddem minn persunal kwalifikat kif jixraq. Hawnhekk jaqdu rwol importanti l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Bis-saħħa tal-persunal kwalifikat jingħata kontribut għat-tnaqqis tad-diversi kontrolli bil-metal detectors, li huma ta’ ħsara għas-saħħa.

3.5   Il-KESE jittama li l-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fuq il-bażi tar-riċerka u tal-opinjonijiet xjentifiċi, ikkontrollati kif xieraq, konklużivi, affidabbli u sodisfaċenti għall-passiġġieri u fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aktar espożizzjoni baxxa possibbli għall-effetti ta’ ħsara eventwali. Barra minn hekk, għandhom jiġu previsti regoli speċjali għall-passiġġieri sensittivi jew vulnerabbli, bħan-nisa tqal, it-tfal, in-nies b'diżabilità jew dawk li jbatu minn mard li għalih dan it-tip ta’ kontroll mhux rakkomandat.

3.6   Fl-aħħar nett, m'hemm l-ebda prova konklużiva li tiċċertifika li l-użu tal-iskanners ma jagħmilx ħsara għas-saħħa tal-persuni u ma ġiet adottata l-ebda kodiċi ta’ prattiki tajba f'dan il-qasam – f'każ fejn l-użu ta’ dawn l-iskanners isir standard – b'mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Minn din il-perspettiva, il-Kummissjoni għandha tidħol fid-dettall dwar il-kontenut tal-protokolli mfassla biex tinkludi fihom ir-risposti adegwati għat-tħassib dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tgħarraf lill-passiġġieri b'dawn id-drittijiet b'mod adegwat, b'mod partikolari l-fatt li l-użu tal-iskanners isir fuq bażi strettament volontarja u fl-ebda każ mhu obbligatorju.

3.6.1   Fi kwalunkwe każ, għandha tingħata l-għażla li persuna ma tgħaddix mill-kontroll bl-użu tal-iskanners u għandhom jiġu stabbiliti garanziji legali sodi biex il-persuni li jagħmlu din l-għażla ma jkollhomx inkonvenjenzi oħra bħal stennijiet twal fil-kjus tal-kontroll jew tat-tfittxijiet bir-reqqa. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jidhrux fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.7   Aspett ieħor li joħloq ċerta perplessità huwa l-approċċ tat-terminoloġija u l-preżentazzjoni tematika tal-proposta tal-Kummissjoni.

3.7.1   Il-Kummissjoni tuża mill-ewwel it-terminu “skanners ta’ sigurtà” li jissostitwixxi dak ta’ “skanners tal-persuna” (body scanners) użat qabel fil-qafas tal-konsultazzjoni pubblika li wettqet dwar din il-kwistjoni bħalma kienet titlob ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2008.

3.7.2   Din il-bidla fit-terminoloġija hija mod kif il-Komunikazzjoni li qed tiġi eżaminata ssir politikament aktar attraenti fid-dawl tal-adozzjoni tagħha, bħalma turi l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni favur l-introduzzjoni ta’ dan it-tagħmir fil-miżuri tas-sigurtà fl-avjazzjoni li għandhom jiġu applikati fl-ajruporti tal-Istati Membri tal-UE.

3.7.3   Huwa għalhekk li, pereżempju fil-paragrafu 34 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tisħaq li l-iskanners jistgħu jissostitwixxu bis-sħiħ it-tekniki l-oħra użati fl-ambitu tas-sigurtà fl-avjazzjoni.

3.7.4   Bl-istess mod, hija tindika fil-paragrafu 45 tal-Komunikazzjoni li, bit-teknoloġija disponibbli llum, “huwa ċar” li dawn l-iskanners “jimmassimizzaw il-probabilità li jiġi identifikat it-theddid u jipprovdulna kapaċità mtejba ta’ prevenzjoni b'mod konsiderevoli”.

3.7.5   Il-Kummissjoni ttenni fil-paragrafu 82 li l-użu ġenerali tagħhom jippermetti lill-ajruporti kbar jiksbu “aktar flessibilità u potenzjal biex ikomplu jsaħħu s-sigurtà fl-avjazzjoni”.

3.7.6   Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-inċertezzi ta’ natura differenti li hemm fl-użu ta’ dan it-tagħmir u l-impatt li ma jistax jinċaħad tiegħu fuq id-drittijiet u l-libertajiet pubbliċi tal-persuni, ikun aktar adegwat li jiġi ppreżentat test eklettiku li jiddeskrivi l-istat tal-kwistjoni u l-alternattivi possibbli b'mod aktar oġġettiv.

3.7.7   Dawn il-karatteristiki relatati mat-teknika tal-abbozzar użata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha għandhom konsegwenza fuq l-aħħar aspett imsemmi aktar 'il fuq, li jikkonċerna kemm l-għażla tat-tip ta’ att (regolament) u kemm l-adegwatezza tal-proċedura magħżula għall-adozzjoni tiegħu (proċedura ta’ komitoloġija).

3.8   Kollox ma' kollox, il-Komunikazzjoni toħloq dubji serji mhux dwar il-legalità tagħha iżda dwar il-leġittimità tagħha.

3.8.1   Il-Kummissjoni ċertament tista’ taġixxi f'dan il-qasam fuq il-bażi tal-kompetenzi li jingħatawlha skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.8.2   Madankollu, il-Kummissjoni għandha tkun estremament prudenti waqt it-tfassil ta’ proposta daqstant kontroversjali, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenzi reċenti li minħabba fihom, wara l-kontestazzjonijiet legali, hija kienet obbligata temenda l-atti tagħha stess f'dan il-qasam.

3.8.3   F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher aktar adegwat li tintgħażel deċiżjoni maħsuba għall-Istati Membri kollha, saħansitra anki rakkomandazzjoni, bil-għan li tiġi pprovduta flessibilità akbar lill-awtoritajiet kompetenti u li jingħata aktar ħin biex jiġu ttestjati l-iskanners (fuq bażi volontarja).

3.8.4   Bl-istess mod, ikun tajjeb li jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ komitoloġija segwita mill-Kummissjoni biex tadotta l-proposta leġislattiva futura, għalkemm hija legalment valida, hija wisq ristretta u vaga fir-rigward tat-tfassil ta’ att daqshekk speċifiku.

3.8.5   Dan huwa tassew aktar importanti billi t-Trattat ta’ Lisbona, fl-Artikolu 290 il-ġdid tat-TFUE, iħejji l-pedament ta’ mekkaniżmu ġdid għall-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħat delegati mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew li jawtorizza lil dawn tal-aħħar li jirtiraw id-delega bla ġustifikazzjoni (Artikolu 290(2)(a)). F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tistaqsi lilha nnifisha jekk l-impatt konsiderevoli fuq il-patrimonju legali taċ-ċittadini li jirriżulta mid-dħul fis-seħħ tal-proposta għal regolament, għandux jibbenefika minn qafas istituzzjonali usa' u aktar miftuħ għad-dibattitu pubbliku mal-partijiet ikkonċernati kollha u għall-kompetizzjoni ideoloġika bejn il-partiti politiċi rappreżentattivi kif titlob id-demokrazija parlamentari, li fiha l-Parlament Ewropew, waqt id-dibattitu dwar id-drittijiet fundamentali, għandu jkollu rwol ewlieni, ħaġa li naturalment mhijiex konformi mal-proċedura ta’ komitoloġija.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju”

COM(2010) 471 finali – 2010/0252 (COD)

u dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment”

COM(2010) 472 finali

2011/C 107/11

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar is-7 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju

COM(2010) 471 finali – 2010/0252 (COD).

Nhar l-20 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment

COM(2010) 472 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'108 voti favur 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat ifaħħar lill-Kummissjoni għat-tliet dokumenti f'dan il-“Pakkett tal-Broadband”. Id-dokumenti saru f'waqthom, huma maħsuba sew u huma komprensivi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

1.2   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwi l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali li toffri benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli permezz ta' suq diġitali uniku bbażat fuq Internet veloċi u ultraveloċi, u japprova bis-sħiħ il-mira ambizzjuża tal-broadband inkluża f'dik l-inizjattiva ewlenija (1). Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-għanijiet ta' konnettività iktar ambizzjuża aktarx ikollhom jiġu stabbiliti ftit snin oħra sabiex l-Ewropa tibqa' kompetittiva fuq livell globali (2).

1.3   Il-Kumitat jinsab imħasseb ħafna meta jinnota li l-qgħad qed ikompli jiżdied madwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ (ta' taħt il-25 sena) (3). Il-Kumitat jemmen li l-implimentazzjoni ta' suċċess tal-“Pakkett tal-Broadband” hija punt kritiku għall-indirizzar tal-problema tal-qgħad permezz tal-forniment ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa kif previst mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.4   Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon li l-prinċipji regolatorji miġbura fil-“Pakkett tal-Broadband” huma konsistenti mal-qafas leġislattiv rivedut għall-Komunikazzjonijiet elettroniċi (4).

1.5   Il-Kumitat jikkunsidra li l-prinċipju tan-Newtralità tan-Netwerk (5) hu ta' importanza kritika għall-ġejjieni tas-servizzi tal-Internet fl-Ewropa. Aħna ħadna nota tar-rapport mill-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Internet Miftuħ u n-Newtralità tan-Netwerk (6), u nilqgħu l-appoġġ tal-Viċi President Kroes għal dan il-prinċipju (7). Madankollu, il-Kumitat jinsab preokkupat dwar il-fatt li l-fornituri tas-servizz li jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq għandhom inċentivi kummerċjali qawwija li jaġixxu kontra l-prinċipju tan-Newtralità tan-Netwerk u kontra l-interessi taċ-ċittadini. Il-Kumitat jemmen li d-dispożizzjonijiet tal-Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet (8) jista' jkun li jeħtieġu aktar emendi biex jissaħħu l-poteri tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) sabiex jiġi żgurat li l-Internet jinżamm miftuħ fl-Ewropa kollha kemm hi u li l-prinċipju tan-Newtralità tan-Netwerk jiġi rispettat bis-sħiħ mill-fornituri tas-servizz.

1.6   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal diversi opinjonijiet preċedenti tal-KESE li enfasizzaw l-appoġġ tiegħu għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, l-Istrateġija UE 2020 u l-Aġenda Diġitali, u l-opinjonijiet li kkummentaw dwar il-ħtieġa ta' konnettività tal-Internet ta' kwalità għolja u b'veloċità qawwija li tkun disponibbli għaċ-ċittadini fl-UE kollha kemm hi, u għall-implimentazzjoni ta' ambjent regolatorju bbilanċjat għal servizzi tal-komunikazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet li jintlaħqu (9).

1.7   L-Istrateġija tal-Broadband

1.7.1   Il-Kumitat jemmen li l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija tal-broadband tal-UE hija kritika għall-benesseri ekonomiku u soċjali ġejjieni taċ-ċittadini kollha; madankollu, minħabba li ċ-ċirkostanzi finanzjarji se jkunu diffiċli għal ħafna snin, il-Kumitat jinsab preokkupat li l-ksib tal-għanijiet tal-broadband se jkun sfida sinifikanti għall-Ewropa. Il-Kumitat jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali jagħmlu kulma jistgħu sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-broadband fl-Aġenda Diġitali.

1.7.2   Il-Kumitat jemmen li l-aċċess universali għall-broadband b'veloċità qawwija jaqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali (10). Aħna nilqgħu l-pjani sabiex jiżdied l-użu tal-fondi Strutturali u tal-Iżvilupp Rurali biex jissupplimentaw l-introduzzjoni ta' infrastruttura tal-broadband kummerċjalment vijabbli. Madankollu, hu kritiku wkoll li l-benefiċċji ta' dan l-investiment jaslu għand iċ-ċittadini billi jiġu pprovduti servizzi ta' kwalità għolja u tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż għall-utenti finali kollha. Il-Kumitat isejjaħ ukoll lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali biex jipprovdu hotspots WiFi bla ħlas f'żoni pubbliċi bħala appoġġ għall-Aġenda Diġitali.

1.7.3   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-effett multiplikatur fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja minn tnaqqis fl-ispejjeż biex tkun ipprovduta l-infrastruttura tal-broadband fl-Ewropa kollha kemm hi. Nistiednu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali biex jagħmlu kull sforz biex inaqqsu dawn l-ispejjeż.

1.7.4   Filwaqt li jilqa' l-miżuri għall-istimolu u l-appoġġ tal-investiment fl-infrastruttura tal-broadband, il-Kumitat jixtieq jara li kull investiment isir b'mod li jsaħħaħ il-kompetizzjoni. Il-Kumitat ikun preokkupat jekk l-appoġġ jiġi implimentat b'mod li jagħti vantaġġ sproporzjonat lil fornituri tas-servizz b'saħħa sinifikanti fis-suq (SMP – Significant Market Power).

1.7.5   Madankollu, il-Kumitat jinsab iddiżappuntat bir-rata baxxa attwali ta' assorbiment tal-fondi ta' appoġġ għall-broadband min-naħa tal-Istati Membri (11). Il-Kumitat jilqa' l-iggwidar ippjanat għall-Istati Membri dwar kif jistgħu jżidu l-veloċità tal-programmi u l-użu tal-fondi disponibbli.

1.8   Il-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSP)

1.8.1   Il-Kumitat jinsab kuntent li l-Programm RSP (RSPP) se jfassal liġijiet li jiżguraw li jingħażel u jkun disponibbli spettru suffiċjenti u adegwat kemm għall-kopertura kif ukoll għall-ħtiġijiet ta' kapaċità tat-teknoloġija tal-broadband mingħajr fili sabiex tintlaħaq il-mira għall-2020. L-iżvilupp tal-broadband jista' jissaħħaħ aktar permezz ta' miżuri favur il-kompetizzjoni bħall-introduzzjoni tal-kummerċ fl-ispettru u miżuri li ma jippermettux distorsjonijiet potenzjali meta jiġu modifikati l-liċenzji eżistenti.

1.8.2   Il-Kumitat huwa wkoll kuntent li jara li l-RSPP jimmira b'mod espliċitu li l-medda tad-dividend diġitali ta' 800 MHz tkun disponibbli biex tipprovdi kopertura tal-broadband, b'mod speċjali f'żoni rurali, sal-2013. Il-Kumitat isejjaħ lill-Istati Membri biex dan l-ispettru jsir disponibbli mingħajr dewmien.

1.8.3   Il-Kumitat jinnota wkoll li l-pjani sabiex il-broadband bis-satellita bi prezz li jintlaħaq jintuża biex jintlaħqu żoni remoti ma jistgħux jinqdew b'mezzi terrestri.

1.8.4   Il-Kumitat jingħaqad mal-Kummissjoni u jistieden lill-Istati Membri sabiex jgħinu biex il-mira ta' kopertura tal-broadband tinkiseb malajr billi b'mod immedjat jiġu adottati politiki biex:

Jagħmlu disponibbli meded ta' spettru li jkunu wesgħin biżżejjed (12);

Joħorġu malajr id-drittijiet għall-użu tal-ispettru;

Iżidu l-flessibilità u l-kompetizzjoni;

Jippermettu negozjar sekondarju tal-ispettru bl-iskop ta' adattament għall-iżviluppi tas-suq.

1.9   Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA)

1.9.1   In-netwerks tal-NGA jiswew ħafna sabiex jiġu pprovduti, u jippreżentaw riskji sostanzjali għall-investituri. Ninnutaw li l-proposti jagħrfu dawn ir-riskji u jħallu lok għall-inklużjoni ta' primjum għar-riskji fl-ispejjeż għall-aċċess regolat.

1.9.2   Il-Kumitat jogħġbu l-approċċ kreattiv meħud mill-Kummissjoni li tipprovdi appoġġ qawwi għal arranġamenti ta' investiment konġunt, li jista' jnaqqas il-livell ta' riskju meħud minn kull kumpanija individwali.

1.9.3   Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-infurzar b'suċċess tar-regolamenti ta' aċċess għan-netwerks tal-NGA se jiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni mill-NRAs f'kull Stat Membru. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu kull appoġġ lill-NRAs u lill-Korp ta' Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), sabiex dawn jirnexxilhom ikunu ta' suċċess fil-kompitu diffiċli tagħhom.

2.   Rakkomandazzonijiet

2.1   Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-Internet Miftuħ u l-ħarsien tan-Newtralità tan-Netwerk, il-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jissorveljaw mill-qrib it-tekniki użati mill-operaturi biex jimmaniġġjaw il-flussi tad-data fin-netwerks tagħhom, u l-impatt potenzjali li dawn jista' jkollhom fuq l-esperjenza tal-utenti tal-Internet.

2.2   Fid-dawl tal-esperjenza tal-passat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm hu adegwat il-Qafas dwar it-Telekomunikazzjoni biex jittratta l-isfidi li jinħolqu mit-theddida tal-fornituri tas-servizz kontra l-Internet Miftuħ u n-Newtralità tan-Netwerk.

2.3   Il-Pjani Nazzjonali għall-Broadband daqt għandhom jiġu aġġornati sabiex jinkludu pjani ta' proġetti għall-forniment ta' broadband veloċi u ultraveloċi.

2.4   Il-Pjani Nazzjonali għall-Broadband għandhom isegwu l-aħjar prattika standard għall-pjani tal-proġetti, u jkunu jinkludu dettalji dwar ir-riżorsi meħtieġa assoċjati mal-għanijiet u d-dati kruċjali.

2.5   L-UE għandha tirrevedi minn żmien għal ieħor il-Pjani Nazzjonali tal-Broadband sabiex tindirizza nuqqasijiet tar-riżorsi u kwistjonijiet oħra relatati mal-pjani.

2.6   Il-Pjani Nazzjonali tal-Broadband għandhom jinkludu dettalji tal-iskemi u l-investimenti diretti kollha tal-awtoritajiet pubbliċi fl-infrastruttura u fix-xogħlijiet ċivili li jiffaċilitaw il-ksib tal-miri tal-Aġenda Diġitali.

2.7   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-effett fuq il-kompetizzjoni fl-Istati Membri sabiex tiġi kontrollata l-implimentazzjoni tat-tnaqqis fl-ispejjeż tan-netwerk tal-broadband.

2.8   Permezz ta' kwalunkwe mekkaniżmu xieraq, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-iffissar tal-prezzijiet tal-ispettru tar-radju jkun dejjem ta' livell adatt biex il-forniment ta' servizzi kompetittivi jkun ekonomikament vijabbli.

2.9   Sabiex tiġi stimulata l-ekonomija diġitali, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jippromwovu hotspots tal-WiFi bla ħlas f'inħawi pubbliċi.

2.10   Meta jaħdmu b'investiment konġunt u fuq proġetti ta' infrastruttura ta' Sħubijiet Pubbliċi u Privati (PPPs), l-Istati Membri u l-Awtoritajiet Reġjonali jridu joqogħdu attenti li ma jagħmlux ħsara lill-kompetizzjoni sana fis-suq (13).

2.11   Fl-iżvilupp tat-teknoloġiji u s-servizzi tar-radju, importanti li l-interessi tas-saħħa pubblika fir-rigward tal-effetti potenzjalment perikolużi tal-kampijiet elettromanjetiċi jingħataw prijorità u li wieħed iserraħ ras il-pubbliku dwar dan permezz tal-mizuri li jittieħdu sabiex dawn l-effetti jiġu mmonitorjati.

2.12   Il-Kumitat jemmen li meta jiġi awtorizzat l-iżvilupp tan-netwerks mingħajr fili, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali jinfurzaw ir-regolamenti ambjentali u sanitarji b'mod effiċjenti, sabiex is-servizzi, li huma konformi bis-sħiħ mar-regolamenti, ikunu jistgħu jiġu pprovduti malajr u b'mod effiċjenti f'termini ta' nfiq.

2.13   Sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti tal-NGA jiġu implimentati bl-istess mod fl-UE kollha kemm hi, u sabiex tiġi identifikata kwalunkwe kwistjoni possibbli dwar riżorsi, il-Kummissjoni għandha tipproponi li l-NRAs ikunu soġġetti għal verifika perjodika. Din il-verifika tista' forsi ssir bħala reviżjoni bejn il-pari, taħt l-awspiċi tal-BEREC.

2.14   L-UE għandha tikkunsidra li tipprovdi fondi lill-BEREC għall-għanijiet li ġejjin:

biex jinħoloq grupp ta' esperti li jkunu jistgħu jissupplimentaw il-ħila speċjalizzata tal-NRAs fuq bażi ad hoc;

biex jiġi ffinanzjat programm ta' żvilupp professjonali għall-persunal tal-NRAs;

biex tiġi ffinanzjata funzjoni ta' verifika u unità tal-aqwa prattika sabiex tkun żgurata eċċellenza uniformi fl-implimentazzjoni tar-regolamenti madwar l-Ewropa kollha.

3.   Kuntest

3.1   Illum il-ġurnata, l-iżvilupp ta' netwerks tal-komunikazzjoni b'veloċità qawwija qed iħalli l-istess impatt revoluzzjonarju li kellu l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku u tat-trasport seklu ilu. Minkejja li l-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni li għandhom netwerks fid-dinja (14), ħafna partijiet tal-Unjoni għad m'għandhomx servizzi bażiċi tal-Internet, u anke f'żoni urbani, il-konnessjonijiet ultra veloċi għadhom rari.

3.2   Iċ-ċittadini u n-negozji madwar id-dinja kulma jmur qed jitolbu netwerks tal-NGA dejjem aktar veloċi. F'dan ir-rigward, l-Ewropa għadha lura meta mqabbla ma' wħud mill-kontropartijiet internazzjonali ewlenin: 30 % tal-Ewropej għadhom qatt ma użaw l-Internet, u l-Ewropa għad għandha biss 1 % penetrazzjoni ta' netwerks b'veloċità qawwija magħmulin mill-fibra filwaqt li l-Ġappun għandu 12 % u l-Korea ta' Isfel għandha 15 %.

3.3   Fl-Aġenda Diġitali ġew stipulati għanijiet ambizzjużi għall-konnettività tal-broadband għall-Ewropa (15) – waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 (16) għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva: Sal-2020, l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal internet b'aktar minn 30 Megabits għal kull sekonda (Mbps) u 50 % jew aktar tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonamenti tal-internet ta' aktar minn 100Mbps. L-Aġenda Diġitali reġgħet introduċiet ukoll l-għan approvat mill-Kunsill Ewropew li jitwassal broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ambizzjużi, jeħtieġ tiġi żviluppata politika komprensiva, imsejsa fuq taħlita ta' teknoloġiji, u li jsir monitoraġġ tal-progress matul iż-żmien (17).

3.4   Il-“Pakkett tal-Broadband” li qed jiġi kkunsidrat f'din l-opinjoni fih dokumenti mill-Kummissjoni li huma abbozzati biex jagħtu lok għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-konnettività fl-Aġenda Diġitali. Dawn jinkludu:

sensiela ta' proposti li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' ppjanar u finanzjament biex jintlaħqu l-għanijiet tal-konnettività – COM(2010) 472 “Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment”;

proposta leġislattiva li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju, li hu meħtieġ sabiex jirregola u jarmonizza l-infrastruttura mingħajr fili meħtieġa biex tappoġġja l-għanijiet ta' Ewropa 2020 – COM(2010) 471 “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju”;

rakkomandazzjoni dwar kif l-NRAs fl-UE kollha kemm hi għandhom jirregolaw l-aċċess għall-NGAs meħtieġ sabiex jipprovdu l-konnettività tal-broadband veloċi u ultra veloċi maħsuba mill-Aġenda Diġitali – C(2010) 6223/3.

4.   Kummenti

4.1   L-Istrateġija tal-Broadband

4.1.1   L-ambizzjonijiet tal-istrateġija UE 2020 u l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali se jsiru realtà biss jekk l-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjani nazzjonali effettivi tal-broadband. Minkejja li issa l-Istati Membri kollha għandhom strateġija tal-broadband, jeħtieġ li din tiġi aġġornata dalwaqt sabiex tinkludi pjani għal netwerks ta' veloċità qawwija ħafna (ultra-high speed), b'miri konkreti u miżuri ta' implimentazzjoni identifikati.

4.1.2   L-ippjanar u t-twettiq tal-istrateġiji nazzjonali tal-broadband huma kritiċi sabiex dawn ikunu ta' suċċess. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jiżviluppaw u jespandu n-netwerks tal-NGA b'mod li l-ebda reġjun tal-UE ma jibqa' lura, inkella d-distakk diġitali jerġa' jibda jikber u l-iżvilupp ekonomiku jibqa' lura f'reġjuni żvantaġġati li ma jistgħux jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali emerġenti.

4.1.3   Ikun ukoll ta' għajnuna li jiġu vvalutati l-vijabilità tal-Pjani Nazzjonali tal-Broadband, jekk dawn identifikawx ir-riżorsi meħtieġa għat-twettiq (umani jew oħra), u wkoll il-punti kruċjali tal-proġetti. Imbagħad jeħtieġ li dawn il-pjani tal-proġetti jiġu mmonitorjati sabiex ikun segwit it-twettiq tagħhom u jinżammu aġġornati.

4.1.4   Il-kwalità tan-netwerks, l-ispejjeż tal-forniment tagħhom, u prezzijiet kompetittivi għall-utenti finali huma kriterji importanti tal-ġestjoni fi programmi ta' żvilupp u espansjoni. Minħabba li sa 80 % tan-nefqa tal-infrastruttura tan-netwerks tikkonsisti f'xogħlijiet ta' inġinerija ċivili, huwa vitali li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jaħdmu sabiex inaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti permezz ta' koordinazzjoni effiċjenti tal-proġetti infrastrutturali.

4.1.5   Informazzjoni tajba tiffaċilita ppjanar u ġestjoni tajbin. Il-Pjani Nazzjonali tal-Broadband għandhom jinkludu dettalji tal-iskemi u l-investimenti diretti kollha ppjanati mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi x-xogħlijiet ċivili, li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-espansjoni tal-infrastruttura.

4.1.6   Sakemm l-NRAs ma jimmaniġġjawx il-problema b'ħila, il-pożizzjoni dominanti tal-fornituri tas-servizz li jkollhom saħħa sinifikanti fis-suq tista' tagħmel ħsara lill-iżvilupp tal-kompetizzjoni u lill-introduzzjoni tal-infrastruttura.

4.1.7   Il-kooperazzjoni u l-qsim bejn il-fornituri privati tal-infrastruttura huma essenzjali għall-effiċjenza, il-veloċità tal-implimentazzjoni, is-sostenibilità ambjentali u d-disponibilità ta' prezzijiet kompetittivi għall-utenti finali.

4.1.8   Sfortunatament, il-kompetituri jsibuha iebsa li jikkooperaw sakemm ma jiġux obbligati jagħmlu dan. Il-Kumitat jinsab kuntent meta jara li l-“Pakkett tal-Broadband” se jirrikjedi li l-fornituri privati tal-infrastruttura jippubblikaw informazzjoni tajba dwar l-infrastruttura eżistenti u dik ippjanata, biex ikunu faċilitati ppjanar tajjeb u użu effiċjenti tar-riżorsi.

4.1.9   It-trasparenza tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tas-servizzi tal-komunikazzjoni hija kritika sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini jibbenefikaw mill-investiment tal-UE, tal-Istati Membri u tal-Awtoritajiet Reġjonali fl-infrastruttura tal-broadband.

4.1.10   Il-Kumitat jinsab impressjonat bil-firxa u l-varjetà tal-appoġġ għall-finanzjament disponibbli biex jgħin fil-ksib tal-għanijiet tal-broadband universali fl-Aġenda Diġitali. Il-Kumitat jilqa' wkoll il-pjani għal strumenti ta' finanzjament ġodda sabiex jiġu inklużi fil-Qafas Finanzjarju multiannwali li jmiss.

4.2   Il-Politika tal-Ispettru tar-Radju (RSP)

4.2.1   Il-Programm RSP (RSPP) hu daqstant importanti minħabba r-rwol ewlieni li se jkollhom il-komunikazzjonijiet mingħajr fili fl-ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva maħsuba mill-Istrateġija Ewropa 2020. Barra l-użu tal-komunikazzjonijiet umani u tal-Internet, it-teknoloġija mingħajr fili hi teknoloġija fundamentali li tippermetti applikazzjonijiet futuri fl-ispettru kollu tas-soċjetà – mill-użu ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti (smart meters) għall-enerġija, sa Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u l-Internet tal-Affarijiet.

4.2.2   B'mod partikolari, il-Kumitat jinnota l-importanza tal-RSSP għall-implimentazzjoni ta' grids intelliġenti fl-Ewropa kollha kemm hi, li se jkunu essenzjali għall-ksib ta' tkabbir sostenibbli.

4.2.3   Il-Kumitat jinnota li l-ogħla rata ta' tkabbir fis-suq tal-broadband tal-UE hija fil-broadband mobbli fejn l-użu kien iktar mid-doppju fl-aħħar sena. Għaldaqstant, it-teknoloġiji mingħajr fili kulma jmur qegħdin isiru dejjem aktar importanti sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-servizzi tal-komunikazzjoni broadband.

4.2.4   Il-kampijiet elettromanjetiċi huma potenzjalment perikolużi għall-benesseri taċ-ċittadini. Il-Kumitat huwa kuntent li l-RSSP tirrikonoxxi l-ħtieġa għal monitoraġġ kostanti tal-effetti tal-użu tal-ispettru fuq is-saħħa.

4.3   Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGA)

4.3.1   Il-proposti għal aċċess regolat għan-netwerks tal-NGA jirriflettu li tul is-snin il-Kummissjoni tgħallmet kif issib il-bilanċ tajjeb bejn li tinkoraġġixxi l-investiment fin-netwerks u li tipproteġi l-ambjent kompetittiv. Il-proposti jipprovdu lill-industrija tal-komunikazzjoni anke b'ċarezza tant meħtieġa dwar ir-regolazzjonijiet li se jħallu impatt fuq id-deċiżjonijiet dwar l-investiment tagħhom u fuq il-pjani għal netwerks tal-NGA.

4.3.2   Uħud mill-NRAs jaf m'għandhomx la l-ħiliet speċjalizzati u lanqas il-kapaċità li jlaħħqu max-xogħol li jrid isir. Forsi l-NRAs jistgħu jiġu appoġġjati fil-kompitu kumpless tagħhom minn grupp ta' esperti magħżula b'mod ċentrali, li forsi jkunu organizzati u amministrati mill-BEREC.

4.3.3   Il-ħiliet speċjalizzati u l-kapaċità tal-NRAs jistgħu jittejbu permezz tal-BEREC jekk l-organizzazzjoni tipprovdi programm ta' żvilupp professjonali għall-membri tagħha u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010)245 finali/2: Sal-2020, l-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal internet b'aktar minn 30 Megabits għal kull sekonda (Mbps) u 50 % jew aktar tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonamenti għal internet b'aktar minn 100Mbps.L-Aġenda Diġitali stabbiliet mill-ġdid ukoll l-għan li jitwassal broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013 kif ġie approvat mill-Kunsill Ewropew.

(2)  Il-Korea t'Isfel fasslet pjan nazzjonali sabiex konnessjonijiet ta' 1 000 Mbps ikunu komuni sal-2012. Il-gvern qed iħeġġeġ il-qasam tal-intrapriża biex jonfoq 34 triljun Won (EUR 23 biljun) meħtieġa biex din l-iskema tiġi kompluta. Biex inqabblu, dik iċ-ċifra hija bejn wieħed u ieħor indaqs mal-baġit annwali tal-pajjiż għall-edukazzjoni. (http://news.bbc.co.uk/2/hi/programmes/click_online/9093991.stm).

(3)  Eurostat news release euro indicator - 5/2011, 7 ta' Jannar 2011: F'Novembru 2010, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (ta' taħt il-25 sena) kien ta' 20,7 % fiż-żona tal-euro u 21,0 % fl-UE27. F'Novembru 2009 kienet ta' 20,1 % u 20,5 % rispettivament.

(4)  Id-Direttiva 2009/140/KE u d-Direttiva 2009/136/KE.

(5)  In-Newtralità tan-Netwerk hi prinċipju favur it-tneħħija ta' kwalunkwe restrizzjoni min-naħa tal-fornituri tas-servizz tal-Internet u mill-gvernijiet fuq il-kontenut, is-siti, il-pjattaformi, it-tipi ta' apparat li jista' jiġi konness, u l-modi ta' komunikazzjoni permessi. Jekk utent iħallas għal ċertu livell ta' aċċess għall-Internet, u utent ieħor iħallas għall-istess livell ta' aċċess, iż-żewġ utenti għandhom ikunu jistgħu jikkonnettjaw ma' xulxin fil-livell ta' aċċess abbonat. Tqajmu preokkupazzjonijiet dwar il-ħila tal-fornituri tal-broadband li jużaw l-infrastruttura lokali tagħhom biex jimblukkaw applikazzjonijiet u kontenut tal-Internet (pereżempju websajts, servizzi, protokolli), b'mod partikolari dawk ta' kompetituri, jew li jbiddlu l-mudelli tan-negozju tagħhom biex inaqqsu l-kwalità u l-ambitu tal-aċċess li jgawdu utenti differenti. Bidliet bħal dawn fil-mudelli tan-negozju jistgħu jirriżultaw f'diskriminazzjoni mhux ġusta fil-prezzijiet kif ukoll diskriminazzjoni fil-kwalità tas-servizz. Il-possibilità ta' regolamenti mfassla biex jagħmlu n-newtralità tal-Internet mandatorja hi s-suġġett ta' dibattitu aħrax.

(6)  http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/public_consult/net_neutrality/report.pdf

(7)  DISKORS/10/643 fis-Samit tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew dwar “The Open Internet and Net Neutrality in Europe” (“L-Internet Miftuħ u n-Newtralità tan-Netwerk fl-Ewropa”).

(8)  Id-Direttiva 2009/140/KE u d-Direttiva 2009/136/KE.

(9)  Ara ĠU C 120, 20.5.2005, p. 22; ĠU C 28, 3.2.2006, p. 88; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 222; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 42; ĠU C 151, 17.6.2008 p. 25; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 50; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; ĠU C 77 31.3.2009, p. 60; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8; ĠU C 182, 4.8.2009, p. 56; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 41; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116; ĠU C 44, 11.2.2011, p. 178; ĠU C 54, 19.2.2011; p. 58.

(10)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8.

(11)  18 % biss tal-infiq ippjanat għall-perijodu 2007-2013 ġie allokat sa Settembru 2009.

(12)  Huwa essenzjali li l-ispettru magħżul ikun disponibbli b'mod effettiv; dan għandu jsir kemm billi jinfetaħ spettru ġdid (bħal dak ta' 2.6 GHz u wkoll ta' 800 MHz) u billi jiġi liberalizzat l-użu tal-ispettru eżistenti (pereżempju l-medda ta' 900/1 800 MHz — ara d-Direttiva riveduta dwar il-GSM u d-Deċiżjoni dwar id-900/l-1 800 MHz).

(13)  Ara ĠU C 48, 15.2.2011, p. 72.

(14)  Forum Ekonomiku Dinji – Rapport Globali dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (Global Information Technology Report) 2009-2010, http://www.networkedreadiness.com/gitr/.

(15)  Aġenda Diġitali għall-Ewropa COM(2010) 245 finali/2.

(16)  EWROPA 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv COM(2010) 2020 finali.

(17)  Pereżempju, jista' jkun mistenni li, sabiex tintlaħaq fil-ħin il-mira ta' 100Mbps, sal-2015, madwar 15 % tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonamenti ta' din il-veloċità.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)”

COM(2010) 521 finali

2011/C 107/12

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċieda, bkonformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

COM(2010) 521 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 173 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE huwa konxju ħafna tal-fatt li s-soċjetà ċivili attwalment hija dipendenti ħafna fuq is-servizzi pprovduti fuq l-Internet. Il-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar l-injoranza relattiva tas-soċjetà ċivili fir-rigward tas-sigurtà ċibernetika tagħha stess. Skont il-KESE, l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) hija l-aġenzija inkarigata biex tgħin lill-Istati Membri u l-provvedituri tas-servizzi jtejbu l-istandards ġenerali tas-sigurtà sabiex l-utenti kollha tal-internet jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà ċibernetika personali tagħhom.

1.2

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-proposta li l-ENISA tiġi żviluppata bl-iskop li tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (NIS) fi ħdan l-Unjoni u li tqajjem kuxjenza u tiżviluppa kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fis-soċjetà għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

1.3

Il-missjoni tal-ENISA hija vitali għall-evoluzzjoni sigura tal-infrastruttura tan-netwerk tal-gvern, l-industrija, il-kummerċ u s-soċjetà ċivili tal-UE. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-ogħla standards tal-prestazzjoni għall-ENISA u li tissorvelja l-prestazzjoni tagħha fil-kuntest tat-theddid li qed jevolvi u jitfaċċa għas-sigurtà ċibernetika.

1.4

L-istrateġiji ċibernetiċi mfassla min-NATO, mill-Europol u mill-Kummissjoni tal-UE kollha jiddependu mill-kooperazzjoni effettiva mal-Istati Membri li huma stess għandhom firxa ta’ aġenziji interni li jittrattaw il-kwistjonijiet tas-sigurtà ċibernetika. L-istrateġiji tan-NATO u tal-Europol huma maħsuba biex ikunu proattivi u operattivi. Fi ħdan l-istrateġija tal-Kummissjoni tal-UE, huwa evidenti li l-ENISA hija parti importanti mill-istampa globali kumplessa tal-aġenziji u l-missjonijiet tal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP). Waqt li r-Regolament il-ġdid ma jipproponix rwol operattiv għall-ENISA, il-KESE xorta waħda jara l-ENISA bħala l-aġenzija li hija primarjament responsabbli għas-CIIP fis-soċjetà ċivili tal-UE.

1.5

Ir-responsabilità operattiva għas-sigurtà ċibernetika fil-livell tal-Istati Membri taqa’ f’idejn l-Istati Membri, iżda jidher ċar li l-istandards tas-CIIP fis-27 Stat Membru huma differenti minn xulxin. Huwa r-rwol tal-ENISA li ġġib l-inqas Stati Membri attrezzati f’livell aċċettabbli. L-ENISA għandha tiżgura l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tgħinhom fl-applikazzjoni tal-aqwa prattiki. Fil-kuntest tat-theddid transkonfinali, ir-rwol tal-ENISA għandu jkun li twissi u tipprevjeni.

1.6

L-ENISA ser jeħtiġilha wkoll tkun involuta fil-kooperazzjoni internazzjonali mas-setgħat lil hinn mill-UE. Kooperazzjoni bħal din ser tkun politika ħafna, u tinvolvi bosta fergħat tal-UE, iżda l-KESE jemmen li l-ENISA għandha ssib postha fix-xena internazzjonali.

1.7

Il-Kumitat jemmen li l-ENISA tista’ twettaq rwol ta’ valur kbir billi tikkontribwixxi għall-proġetti ta’ riċerka fil-qasam tas-sigurtà, u billi tniedi proġetti bħal dawn.

1.8

Fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt, fil-preżent il-KESE mhux ser jappoġġja l-implimentazzjoni fuq skala sħiħa tal-għażliet 4 u 5, li jagħmlu lill-ENISA aġenzija operattiva. Is-sigurtà ċibernetika tant hija problema kbira, b’theddid li jiżviluppa b’mod dinamiku, li l-Istati Membri għandhom iżommu l-kapaċità li jiġġieldu b’mod proattiv kontra t-theddid. L-iżvilupp ta’ aġenziji operattivi tal-UE ġeneralment jispiċċa b’telf tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika jiġri bil-kontra; l-Istati Membri għandu jkollhom kapaċitajiet imsaħħa.

1.9

Il-KESE jifhem il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-ENISA għandu jkollha missjoni definita u kkontrollata sew b’riżorsi korrispondenti. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li l-mandat definit ta’ ħames snin tal-ENISA jista’ jirrestrinġi l-proġetti fit-tul u jipperikola l-iżvilupp tal-kapital uman u l-għarfien fl-Aġenzija. Din ser tkun Aġenzija pjuttost żgħira li tittratta problema kbira u li għadha qed tkompli tikber. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-missjoni tal-ENISA jfissru li l-Aġenzija trid timpjega timijiet speċjalizzati. Ser ikollha ħidma mħallta: kemm kompiti fuq perjodu qasir ta’ żmien kif ukoll proġetti fit-tul. Għalhekk, il-KESE jippreferi li l-mandat tal-ENISA jkun dinamiku u mingħajr tmiem definit, li jiġi kkonfermat fuq bażi kontinwa minn stimi u evalwazzjonijiet perjodiċi. Imbagħad ir-riżorsi jistgħu jiġu allokati b’mod progressiv, kif u meta jkun hemm ġustifikazzjoni għal dan.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni tikkonċerna Regolament biex tkompli tiġi żviluppata l-ENISA.

2.2

Il-Kummissjoni ippreżentat l-ewwel proposta tagħha għal approċċ ta’ politika lejn is-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni f’Komunikazzjoni tal-2001 (COM(2001) 298 finali). Is-Sur Retureau pprepara opinjoni komprensiva (1) bħala risposta għall-Komunikazzjoni.

2.3

Il-Kummissjoni mbagħad ipproponiet Regolament, biex tistabbilixxi l-ENISA (COM(2003) 63 finali). L-opinjoni tal-KESE (2) dwar dan ir-Regolament inkitbet mis-Sur Lagerholm. L-Aġenzija ġiet stabbilita b’mod effettiv mir-Regolament KE 460/2004.

2.4

Peress li l-użu tal-Internet kompla jikber b’mod esponenzjali, is-sigurtà tal-informazzjoni saret tħassib li dejjem jikber. Fl-2006, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tfassal Strateġija għal Soċjetà tal-Informazzjoni Sigura (COM(2006) 251 finali). Is-Sur Pezzini kiteb l-opinjoni tal-KESE (3).

2.5

Hekk kif it-tħassib dwar is-sigurtà tal-informazzjoni kiber, il-Kummissjoni ppreżentat proposta fl-2009 għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika tal-Informazzjoni (COM(2009) 149 finali). Is-Sur McDonogh kiteb l-opinjoni (4) li ġiet approvata mis-sessjoni plenarja tal-KESE f’Diċembru 2009.

2.6

Issa qed jiġi propost li tissaħħaħ u tittejjeb l-ENISA bl-iskop li tikkontribwixxi għal livell ogħla tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fi ħdan l-Unjoni u li tqajjem kuxjenza u tiżviluppa kultura ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fis-soċjetà għall-benefiċċju taċ-ċittadini, tal-konsumaturi, tal-impriżi u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku fl-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

2.7

Madankollu, l-ENISA mhijiex l-unika aġenzija tas-sigurtà ppjanata għall-ispazju ċibernetiku tal-UE. Ir-risposta għall-attakki ċibernetiċi u għat-terroriżmu ċibernetiku hija r-responsabilità tal-militar. In-NATO hija l-aġenzija ewlenija f’din l-isfera. Skont il-kunċett strateġiku ġdid tagħha, ippubblikat f’Lisbona f’Novembru 2010 (disponibbli bl-Ingliż hawnhekk: http://www.nato.int/lisbon2010/strategic-concept-2010-eng.pdf), in-NATO se “tkompli tiżviluppa l-kapaċità tagħha biex tipprevjeni, tiskopri, tiddefendi u tirkupra mill-attakki ċibernetiċi, billi tuża wkoll il-proċess tal-ippjanar tan-NATO biex ittejjeb u tikkoordina l-kapaċitajiet nazzjonali tad-difiża ċibernetika, billi ġġib lill-korpi kollha tan-NATO taħt protezzjoni ċibernetika ċentralizzata, u permezz ta’ integrazzjoni aħjar tas-sensibilizzazzjoni, tat-twissija u tar-risposta ċibernetika tan-NATO man-nazzjonijiet membri”.

2.8

Wara l-attakk ċibernetiku kontra l-Estonja fl-2007, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza dwar il-Kooperazzjoni fid-Difiża Ċibernetika (CCD COE) ġie stabbilit b’mod formali fl-14 ta’ Mejju 2008 sabiex itejjeb il-kapaċità tad-difiża ċibernetika tan-NATO. Iċ-Ċentru jinsab f’Talinn fl-Estonja u huwa sforz internazzjonali li attwalment jinkludi l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Repubblika Slovakka u Spanja bħala nazzjonijiet li jisponsorjawh.

2.9

Il-kriminalità elettronika fil-livell tal-UE hija r-responsabilità tal-Europol. Din li ġejja hija silta minn evidenza bil-miktub mogħtija mill-Europol lill-House of Lords (ara http://www.publications.parliament.uk/pa/ld200910/ldselect/ldeucom/68/68we05.htm):

Huwa evidenti li hemm il-ħtieġa li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jimxu bl-istess ritmu tal-iżvilupp teknoloġiku tal-kriminali biex jiżguraw li l-att kriminali li jwettqu jkunu jistgħu jiġu evitati jew skoperti b’mod effettiv. Barra minn hekk, minħabba n-natura bla fruntieri tat-teknoloġija avvanzata, il-kapaċità għandha tkun ta’ standard għoli simili fl-UE kollha biex ma tippermettix l-iżvilupp ta’ “punti dgħajfa” fejn il-kriminalità tat-teknoloġija avvanzata tista’ tkompli tiżviluppa b’impunità. Din il-kapaċità għadha ’l bogħod milli tkun omoġenja fl-UE. Fil-fatt hemm żvilupp asimmetriku evidenti; xi Stati Membri qed jimxu ’l quddiem bi żviluppi kbar f’ċerti oqsma, filwaqt li Stati Membri oħra għadhom lura fir-rigward tat-teknoloġija. Dan joħloq il-ħtieġa li jkun hemm servizz ċentralizzat li jgħin lill-Istati Membri kollha biex jikkoordinaw attivitajiet konġunti, jippromovu l-istandardizzazzjoni tal-approċċi u l-istandards tal-kwalità, u jidentifikaw u jikkondividu l-aqwa prattiki; b’dan il-mod biss jista’ jiġi żgurat sforz omoġenju fl-UE tal-infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-kriminalità tat-teknoloġija avvanzata.

2.10

Iċ-Ċentru tal-Kriminalità tat-Teknoloġija Avvanzata (High Tech Crime Centre – HTCC) ġie stabbilit fil-Europol fl-2002. Huwa unità relattivament żgħira iżda mistennija li tikber fil-futur bħala l-element ċentrali tax-xogħol tal-Europol f’dan il-qasam. L-HTCC għandu rwol prinċipali fil-koordinazzjoni, fl-appoġġ operattiv, fl-analiżi strateġika u t-taħriġ. Il-funzjoni tat-taħriġ hija partikolarment importanti. Barra minn hekk, il-Europol stabbilixxa l-ECCP (European Cyber Crime Platform), il-Pjattaforma Ewropea tal-Kriminalità Ċibernetika. Din tiffoka fuq is-suġġetti li ġejjin:

Is-Sistema Onlajn ta’ Rappurtar tal-Kriminalità fuq l-Internet (Internet Crime Reporting Online System – I-CROS);

Il-Fajl ta’ Ħidma ta’ Analiżi (Analysis Work File – Cyborg);

Ir-reċipjent ta’ Għarfien Espert Forensiku u tal-Internet (Internet and Forensic Expertise recipient – I-FOREX).

2.11

L-istrateġija tal-UE tas-sigurtà ċibernetika hija ppreżentata fil-kapitolu bit-titlu “Fiduċja u Sigurtà” tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-isfidi huma dawn:

S’issa, l-internet irnexxielu jipprova lilu nnifsu bħala sikur, reżiljenti u stabbli, iżda n-netwerks tal-IT u terminals tal-utenti aħħarin għadhom vulnerabbli għal firxa wiesgħa ta’ theddidiet li qed jevolvu: f’dawn l-aħħar snin, l-ispam żdied sal-punt li beda jimblokka bil-kbir it-traffiku tal-posta elettronika fuq l-internet – bosta stimi jissuġġerixxu bejn 80 % u 98 % tal-emails ċirkolanti kollha – u dan jifrex sensiela sħiħa ta’ vajrusis u software malizzjuż. Hemm it-theddida dejjem tikber tas-serq tal-identità u l-frodi onlajn. L-attakki qegħdin dejjem isiru aktar sofistikati (trojans, botnets, eċċ.) u sikwit ikunu mmotivati minn għanijiet finanzjarji. Jistgħu jkunu wkoll politikament motivati kif muri miċ-ċiberattakki riċenti li laqtu lill-Estonja, il-Litwanja u l-Ġeorġja.

2.12

L-azzjonijiet previsti fl-Aġenda huma dawn:

Azzjoni Ewlenija 6: Tippreżenta fl-2010 miżuri li jimmiraw għal Politika msaħħa u ta’ livell għoli dwar is-Sikurezza tan-Netwerks u tal-Informazzjoni, inklużi inizjattivi leġislattivi bħal ENISA modernizzata, u miżuri li jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta’ ċiberattakki, inkluż Grupp ta’ Reazzjoni ta’ Emerġenza tal-Kompjuter (CERT) għall-istituzzjonijiet tal-UE;

Azzjoni Ewlenija 7: Tippreżenta miżuri, inklużi inizjattivi leġislattivi, biex jiġu miġġielda ċ-ċiberattakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni sal-2010, u regoli relatati dwar il-ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju fuq livelli Ewropej u internazzjonali sal-2013.

2.13

F’Komunikazzjoni ta’ Novembru 2010 (COM(2010) 673 finali), il-Kummissjoni ppromoviet l-Aġenda billi ppreżentat l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE. Għandha ħames għanijiet u t-tielet wieħed fosthom huwa li jiżdiedu l-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fl-ispazju ċibernetiku. Huma previsti tliet programmi ta’ azzjoni u d-dettalji tal-azzjonijiet huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt (meħuda mill-Komunikazzjoni, li tinsab hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0673:FIN:MT:DOC):

OBJETTIVI U AZZJONIJIET

MIN HU RESPONSABBLI

IL-ĦIN

OBJETTIV 3:   Intellgħu l-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju

Azzjoni 1:   Il-bini ta’ kapaċità fl-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura

It-twaqqif ta’ ċentru tal-UE taċ-ċiberkriminalità

Suġġett għall-istudju tal-fattibbiltà tal-COM fl-2011

2013

L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminalità

SM mas-CEPOL, il-Europol u l-Eurojust

2013

Azzjoni 2:   Il-ħidma mal-industrija biex iċ-ċittadini jsiru kapaċi u jkunu protetti

It-twaqqif tal-arranġamenti għall-irrappurtar ta’ inċidenti taċ-ċiberkriminalità u l-fornimenti ta’ gwida għaċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberkriminalità

SM, COM, Europol, l-ENISA u s-settur privat

Kontinwu

Linji gwida għall-kooperazzjoni fit-trattament tal-kontenut illegali online

COM mal-SM u s-settur privat

2011

Azzjoni 3:   Titjib fil-kapaċità għat-trattament taċ-ċiber attakki

It-twaqqif ta’ netwerk ta’ Gruppi ta’ Reazzjoni ta’ Emerġenza tal-Kompjuter f’kullSM u wieħed għall-istituzzjonijiet tal-UE, u pjanijiet regolari nazzjonali ta’ kontinġenza u eżerċizzji ta’ reazzjoni u rkupru.

SM u l-istituzzjonijiet tal-UE mal-ENISA

2012

It-twaqqif ta’ sistema Ewropea għall-iskambju tal-informazzjoni u t-twissijiet (EISAS)

SM mal-COM u l-ENISA

2013

2.14

L-istrateġiji ċibernetiċi mfassla min-NATO, mill-Europol u mill-Kummissjoni tal-UE kollha jiddependu mill-kooperazzjoni effettiva mal-Istati Membri li huma stess għandhom firxa ta’ aġenziji interni li jittrattaw il-kwistjonijiet tas-sigurtà ċibernetika. L-istrateġiji tan-NATO u tal-Europol huma maħsuba biex ikunu proattivi u operattivi. Fi ħdan l-istrateġija tal-Kummissjoni tal-UE, huwa evidenti li l-ENISA hija parti importanti mill-istampa globali kumplessa tal-aġenziji u l-missjonijiet tal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP). Waqt li r-Regolament il-ġdid ma jipproponix rwol operattiv għall-ENISA, il-KESE xorta waħda jara l-ENISA bħala l-aġenzija li hija primarjament responsabbli għas-CIIP fis-soċjetà ċivili tal-UE.

3.   Il-Proposta tal-ENISA

3.1

Il-problema li għandha tiġi indirizzata mill-ENISA tinkludi seba’ fatturi:

(1)

Il-frammentazzjoni u d-diversità tal-approċċi nazzjonali

(2)

Kapaċità Ewropea limitata ta’ twissija bikrija u ta’ rispons

(3)

Nuqqas ta’ data affidabbli u għarfien limitat dwar problemi li qed jiżviluppaw

(4)

Nuqqas ta’ kuxjenza dwar ir-riskji u l-isfidi tal-NIS

(5)

Id-dimensjoni internazzjonali tal-problemi tal-NIS

(6)

Il-ħtieġa ta’ mudelli kollaborattivi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata tal-politiki

(7)

Il-ħtieġa ta’ azzjoni aktar effettiva kontra l-kriminalità ċibernetika.

3.2

Il-proposta tal-ENISA tipprovdi punt fokali kemm għad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti u kif ukoll għall-inizjattivi ġodda definiti fl-Aġenda Diġitali tal-UE.

3.3

Il-politiki eżistenti li għandhom jiġu appoġġjati mill-ENISA jinkludu:

(i)

Forum Ewropew tal-Istati Membri (EFMS) maħsub biex irawwem diskussjoni u skambju dwar prattiki ta’ politika tajba bil-għan li jkun hemm kondiviżjoni ta’ għanijiet u ta’ prijoritajiet tal-politika dwar is-sigurtà u r-reżistenza tal-infrastruttura tal-ICT.

(ii)

Sħubija Ewropea bejn is-Settur Pubbliku u dak Privat għar-Reżistenza (EP3R), li huwa l-qafas flessibbli ta’ governanza mal-Ewropa kollha għar-reżistenza tal-infrastruttura tal-ICT, li jopera billi jrawwem il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar kwistjonijiet tas-sigurtà u r-reżistenza.

(iii)

Il-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2009, li jippromovi politiki li jiżguraw is-sigurtà tan-netwerks u li jippermettu rispons aktar veloċi fil-każ ta’ attakki ċibernetiċi fl-Unjoni.

3.4

Żviluppi ġodda li għandhom jiġu appoġġjati mill-ENISA jinkludu:

(i)

L-intensifikazzjoni tal-attivitajiet tal-EFMS

(ii)

L-appoġġ tas-Sħubija Ewropea tas-Settur Pubbliku u dak Privat għar-Reżistenza (EP3R) permezz ta’ diskussjoni ta’ miżuri u strumenti innovattivi għat-titjib tas-sigurtà u r-reżistenza

(iii)

It-tqegħid fil-prattika tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-pakkett regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

(iv)

L-iffaċilitar tal-eżerċizzji ta’ tħejjija tas-sigurtà ċibernetika fl-UE kollha

(v)

It-twaqqif ta’ CERT għall-istituzzjonijiet tal-UE

(vi)

Il-mobilizzazzjoni u l-appoġġ għall-Istati Membri fit-tlestija u, fejn meħtieġ, fit-tfassil tas-CERTs nazzjonali/governattivi biex jiġi stabbilit netwerk ta’ CERTs li jaħdem sew u li jkopri l-Ewropa kollha

(vii)

It-tqajjim ta’ kuxjenza dwar l-isfidi tal-NIS.

3.5

Ġew eżaminati ħames għażliet ta’ politika differenti qabel din il-proposta ġiet finalizzata. Kull għażla kellha għażliet ta’ missjoni u ta’ riżorsi assoċjati magħha. Intgħażlet it-tielet għażla. Din tinvolvi l-espansjoni tal-kompiti attwalment definiti għall-ENISA, u ż-żieda ta’ aġenziji għall-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni tal-privatezza bħala partijiet interessati.

3.6

Bl-għażla 3, Aġenzija modernizzata tal-NIS tikkontribwixxi għal:

Tnaqqis fil-frammentazzjoni tal-approċċi nazzjonali (fattur numru 1 li jikkawża l-problemi), aktar politiki u teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi ta’ data u għarfien/informazzjoni (fattur numru 3 li jikkawża l-problemi) u żieda fil-kuxjenza ġenerali dwar ir-riskji u l-isfidi relatati mal-NIS u l-ġestjoni tagħhom (fattur numru 4 li jikkawża l-problemi) billi tikkontribwixxi għal

ġbir aktar effikaċi ta’ informazzjoni rilevanti dwar ir-riskji, it-theddidiet u l-vulnerabbiltajiet minn kull Stat Membru individwali;

aktar disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar sfidi u riskji attwali u futuri tal-NIS;

Kwalità ogħla tad-dispożizzjoni tal-politika tal-NIS fl-Istati Membri.

Titjib tal-kapaċità Ewropea ta’ twissija bikrija u ta’ rispons (fattur numru 2 li jikkawża l-problemi) billi:

tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji pan-Ewropej biex b’hekk jinkisbu ekonomiji ta’ skala fir-rispons għall-inċidenti li jolqtu l-UE kollha;

tiffaċilita l-funzjonament tal-EP3R, li fl-aħħar nett tista’ twassal għal aktar investimenti b’riżultat ta’ għanijiet komuni ta’ politika u standards tas-sigurtà u r-reżistenza li japplikaw madwar l-UE.

Il-promozzjoni ta’ approċċ globali komuni għall-NIS (fattur numru 5 li jikkawża l-problemi) billi:

jiżdied l-iskambju tal-informazzjoni u l-għarfien ma’ pajjiżi barra l-UE.

Ġlieda aktar effettiva u effiċjenti kontra l-kriminalità ċibernetika (fattur numru 7 li jikkawża l-problemi) billi:

tkun involuta f’kompiti mhux operattivi relatati ma’ aspetti tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja li jirrigwardaw l-NIS, bħal pereżempju l-iskambju bidirezzjonali ta’ informazzjoni u t-taħriġ (pereżempju, b’koperazzjoni mal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, is-CEPOL).

3.7

Bl-għażla 3, l-ENISA jkollha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi meħtieġa kollha biex twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod profond u sodisfaċenti, jiġifieri b’mod li tippermetti impatt reali. B’aktar riżorsi disponibbli (5), l-ENISA jista’ jkollha rwol aktar proattiv u tista’ tieħu aktar inizjattivi biex tistimula parteċipazzjoni attiva mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni ġdida tippermetti aktar flessibilità biex ikun hemm reazzjoni mill-aktar fis għall-bidliet fl-ambjent tal-NIS li l-ħin kollu jinbidel.

3.8

L-għażla ta’ politika 4 tinkludi l-funzjonijiet operattivi għall-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi u r-rispons għall-inċidenti ċibernetiċi. Minbarra l-attivitajiet msemmija hawn fuq, l-Aġenzija jista’ jkollha funzjonijiet operattivi bħall-parteċipazzjoni aktar attiva fis-CIIP tal-UE, pereżempju fil-prevenzjoni tal-inċidenti u r-rispons għalihom, speċifikament billi taġixxi bħala CERT tal-NIS tal-UE u billi tikkoordina s-CERTs nazzjonali bħala Ċentru ta’ Emerġenza tal-NIS tal-UE, inklużi kemm l-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ kuljum u kif ukoll tal-ġestjoni ta’ servizzi ta’ emerġenza.

3.9

L-għażla 4 tipproduċi impatt akbar fuq livell operattiv, minbarra l-impatti li għandhom jinkisbu bl-għażla 3. Pereżempju, billi taġixxi bħala CERT tal-NIS tal-UE u billi tikkoordina s-CERTs nazzjonali, l-Aġenzija tikkontribwixxi għal ekonomiji ta’ skala ogħla fir-rispons għal inċidenti li jolqtu lill-UE kollha u biex tnaqqas ir-riskji operattivi għan-negozji permezz ta’ livelli ogħla ta’ sigurtà u reżistenza. L-għażla 4 teħtieġ żieda sostanzjali fil-baġit u r-riżorsi umani tal-Aġenzija, fatt li jqajjem tħassib dwar il-kapaċità ta’ assorbiment u l-użu effettiv tal-baġit b’rabta mal-benefiċċji li għandhom jinkisbu.

3.10

L-għażla ta’ politika 5 tinkludi l-funzjonijiet operattivi biex tappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil dawk ġudizzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika. Minbarra l-attivitajiet elenkati fl-għażla 4, din l-għażla tippermetti lill-ENISA biex:

Tipprovdi appoġġ dwar il-liġi tal-proċedura (ara l-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika): pereżempju l-ġbir tad-data dwar l-ammont ta’ traffiku, l-interċettazzjoni tad-data tal-kontenut, u l-monitoraġġ tal-flussi fil-każ ta’ attakki taċ-ċaħda tas-servizzi (denial-of-service attacks);

Tkun ċentru ta’ għarfien espert għall-investigazzjonijiet kriminali, inklużi l-aspetti tal-NIS.

3.11

L-għażla 5 tista’ tikseb effettività akbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika mill-għażliet 3 u 4 biż-żieda ta’ funzjonijiet operattivi fl-appoġġ tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta’ dawk ġudizzjarji.

3.12

L-għażla 5 teħtieġ żieda sostanzjali fir-riżorsi tal-Aġenzija u terġa’ tqajjem tħassib dwar il-kapaċità ta’ assorbiment u l-użu effettiv tal-baġit.

3.13

Filwaqt li kemm l-għażla 4 kif ukoll l-għażla 5 jista’ jkollhom impatti aktar pożittivi mill-għażla 3, il-Kummissjoni temmen li hemm numru ta’ raġunijiet għalfejn m’għandhomx jiġu implimentati dawn l-għażliet:

Dawn ikunu politikament sensittivi għall-Istati Membri b’rabta mar-responsabbiltajiet tas-CIIP tagħhom (jiġifieri numru ta’ Stati Membri ma jkunux favur il-funzjonijiet operattivi ċentralizzati).

It-tkabbir tal-mandat kif eżaminat skont l-għażliet 4 u 5 jista’ jpoġġi lill-Aġenzija f’pożizzjoni ambigwa.

Iż-żieda ta’ dawn il-kompiti operattivi ġodda u kompletament differenti fil-mandat tal-Aġenzija tista’ tirriżulta fi sfida kbira fi żmien qasir u hemm riskju sinifikanti li l-Aġenzija ma tkunx kapaċi twettaq dan it-tip ta’ kompitu b’mod xieraq fi żmien raġonevoli.

Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-għażliet 4 u 5 huma projbittivi – il-baġit meħtieġ ikun erba’ jew ħames darbiet ogħla mill-baġit attwali tal-ENISA.

4.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament

4.1

L-Aġenzija għandha tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u regolatorji tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.

4.2

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddefinixxi d-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet tal-Aġenzija.

4.3

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru, tliet rappreżentanti maħtura mill-Kummissjoni, u rappreżentant wieħed għal kull wieħed minn dawn it-tliet gruppi: l-industrija tal-ICT, il-gruppi tal-konsumaturi u d-dinja tal-akkademiċi tal-IT.

4.4

L-Aġenzija għandha tkun immaniġġjata minn Direttur Eżekuttiv indipendenti, li jkun responsabbli għat-tfassil tal-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

4.5

Id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli wkoll għat-tfassil ta’ baġit annwali b’appoġġ għall-programm ta’ ħidma. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jippreżenta kemm il-baġit kif ukoll il-programm ta’ ħidma għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri.

4.6

Il-Bord tat-Tmexxija, fuq parir tad-Direttur Eżekuttiv, għandu jistabbilixxi Grupp ta’ Partijiet Interessati Permanenti li jkun magħmul minn esperti mill-industrija tal-ICT, mill-gruppi tal-konsumaturi, mid-dinja tal-akkademiċi, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-protezzjoni tal-privatezza.

4.7

Minħabba li r-Regolament għadu fi stadju ta’ proposta, hemm ċerti inċertezzi dwar in-numri. Attwalment l-Aġenzija għandha bejn 44 u 50 ħaddiem u baġit ta’ EUR 8 miljun. Kunċettwalment, l-għażla 3 tista’ tinvolvi 99 ħaddiem u baġit ta’ EUR 17-il miljun.

4.8

Ir-Regolament jipproponi mandat b’terminu fiss ta’ ħames snin.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 21.2.2002, p. 33 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 220, 16.9.2003, p. 33 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98.

(5)  Ir-referenza għal aktar riżorsi tiddependi minn jekk il-proposta tal-ENISA tiġix approvata fil-forma preżenti tagħha.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata”

COM(2010) 494 finali – 2010/0257(COD)

2011/C 107/13

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b 'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata

COM(2010) 494 finali – 2010/0257(COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b '111-il vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta indirizzata hawnhekk tikkostitwixxi segwitu loġiku li jwassal għall-kisba ta’ politika marittima integrata, u japprova l-punti prinċipali ta’ dan id-dokument.

1.2   Fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi, il-Kumitat jilqa ' b 'sodisfazzjon il-fatt li, f 'din il-proposta, il-Kummissjoni tosserva li jeħtieġ li jittieħdu passi biex id-dibattitu jiffoka fuq it-tqassim tal-kompetenzi, ħlief fir-rigward tas-suġġetti marbuta mar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li huma fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

1.3   Il-Kumitat jixtieq li jirċievi kjarifika min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-bażi legali li ntużat. Għandu dubju sa liema punt l-ewwel paragrafu tal-Artikoli 74 u 77 tat-TFUE, li ma jsegwux il-proċedura leġislattiva ordinarja, huma kompatibbli mal-bażijiet legali l-oħra li, min-naħa tagħhom, huma konformi.

1.4   In-natura intersettorjali u transkonfinali tal-attivitajiet marittimi u s-sinerġiji bejn il-politiki settorjali jiġġustifkaw biżżejjed, fil-fehma tal-Kumitat, l-adozzjoni ta’ miżuri li jikkontribwixxu għal politika marittima integrata. Għaldaqstant, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa rispettat.

1.5   Dan jgħodd ukoll għall-fehma tal-Kumitat fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità min-naħa tal-proposta inkwistjoni. Fil-fatt, il-mezzi finanzjarji disponibbli biex jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet meħtieġa matul il-perjodu li fadal tal-2011-2013 mhumiex biżżejjed.

1.6   Il-Kumitat, b 'mod partikolari fid-dawl tal-qagħda diffiċli li tinsab fiha l-Unjoni, huwa tal-fehma li l-evalwazzjoni ex-ante tal-Kummissjoni msemmija fil-proposta hija pjuttost dgħajfa. Jixtieq li l-Kummissjoni tirfed l-argument tagħha b 'mod aktar sod, b 'mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti u l-punti ta’ azzjoni konkreti.

1.7   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta ma tiċċarax liema huma l-għotjiet operattivi msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2). Ikun tajjeb ukoll li fil-konsiderazzjonijiet jiġi ċċarat li l-għan mhuwiex li tiġi ffinanzjata l-infrastruttura marittima, inklużi l-portijiet.

1.8   Huwa magħruf li l-Kumitat jappoġġja approċċ intersettorjali tal-governanza marittima. Minkejja li l-proposta indirizzata hawnhekk ma tittrattax il-kontenut tal-politiki, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għas-suġġetti li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari fil-qafas ta’ politika marittima integrata, kif diġà wera fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu u kif jidher fil-qosor fil-punt “Osservazzjonijiet partikolari” f’dan id-dokument.

2.   Introduzzjoni

2.1   Fid-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata” (COM(2010) 494 finali) u talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar dan is-suġġett, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-TFUE.

2.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir din it-talba, aktar u aktar peress li jqis li din il-proposta hija stadju loġiku fl-iżvilupp ta’ politika marittima integrata, li għandha l-għeruq tagħha fil-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa “Blue Paper”, komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007.

2.3   F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata deċiżjoni integrata, koerenti u konġunta f’dak li jirrigwarda l-oċeani, l-ibħra, ir-reġjuni tal-kosta u s-setturi marittimi.

2.4   L-approċċ intersettorjali tal-governanza marittima qiegħed fil-qalba tal-kunċett ta’ politika marittima integrata, li jpoġġi fuq quddiem nett is-sinerġiji bejn il-politiki fl-oqsma tal-ambjent, it-trasport marittimu, l-enerġija, ir-riċerka, l-industrija, is-sajd u l-politika reġjonali.

2.5   Il-“Blue Paper” kienet akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni li fih il-Kummissjoni pproponiet ċertu numru ta’ miżuri bil-għan li tissawwar il-politika marittima integrata.

2.6   Il-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2007 wera l-appoġġ tiegħu għall-idea ta’ politika marittima integrata tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl ta’ dan, nhar il-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat rapport dwar il-progress li sar fir-rigward ta’ dan id-dossier.

2.7   Dan ir-rapport jindika liema miżuri minn fost dawk imsemmija fil-pjan ta’ azzjoni propost fl-2007 ttieħdu diġà, u jagħti linji gwida għall-fażi ta’ implimentazzjoni li jmiss.

2.8   Fil-konklużjonijiet tas-16 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali enfasizza l-importanza li jiġu ffinanzjati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata u stieden lill-Kummissjoni “tippreżenta l-proposti meħtieġa għall-finanzjament tal-azzjonijiet dwar politika marittima integrata fi ħdan il-Perspettiva Finanzjarja eżistenti, bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ sal-2011”.

2.9   Fil-komunikazzjoni li qed tiġi analizzata f’dan id-dokument, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata huma mhedda minħabba n-nuqqas ta’ fondi għall-azzjonijiet meħtieġa matul il-perijodu li fadal (2011-2013). Fil-fehma tagħha, huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju ta’ din ix-xorta biex jintlaħqu l-għanijiet indirizzati fil-“Blue Paper”, li ġew approvati mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2009.

2.10   Meta wieħed iqis li huwa impossibbli li jiddaħħlu l-prijoritajiet u l-għanijiet kollha tal-politika marittima integrata fil-fondi l-oħra tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit programm bil-għan li jappoġġja l-iżvilupp tal-politika marittima integrata.

2.11   Skont il-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-programm għandha wkoll tikkontribwixxi, fil-pajjiżi terzi, għall-għanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiż inkwistjoni u għandha ssir b’konformità mal-istrumenti l-oħra ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni u mal-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat.

2.12   Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Istati Membri waħidhom ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tal-Proposta għal Regolament li qed tiġi analizzata hawnhekk b’mod sodisfaċenti, minħabba l-ambitu u l-implikazzjonijiet tal-azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati fil-qafas tal-programm. Ikun aħjar li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni billi jiġu adottati miżuri li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif jipprevedi l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.13   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Proposta għal Regolament ma tagħmilx iktar minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti.

2.14   L-għan tal-Proposta għal Regolament imsemmija huwa li tistabbilixxi programm ta’ appoġġ għall-iżvilupp ulterjuri ta’ politika marittima integrata.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1   F’opinjonijiet preċedenti (1), il-Kumitat laqa’ b’sodisfazzjon il-mod li bih il-Kummissjoni uriet ix-xewqa tagħha li tinħoloq politika marittima integrata. Il-proposta attwali hija stadju loġiku f’dan il-proċess.

3.2   Fil-fatt, il-Proposta għal Regolament tistabbilixxi, fost l-oħrajn, l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-programm, l-azzjonijiet li huma eliġibbli għall-finanzjament u l-modi possibbli ta’ finanzjament. Barra minn hekk, tipprevedi wkoll evalwazzjoni, li għandha ssir mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena 2014, u tipproponi l-ħolqien ta’ kumitat konsultattiv bl-inkarigu li jgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma annwali. Il-Kummissjoni tipprevedi li l-ammont meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perjodu 2011–2013 huwa ta’ EUR 50 miljun. Fil-fehma tal-Kumitat, dan kollu huwa meħtieġ.

3.3   Il-proposta tal-Kummissjoni tista’ titqies bħala proposta qafas li tipprevedi ċertu numru ta’ strumenti tekniċi, u bl-ebda mod ma hija proposta li tittratta strumenti politiċi. Barra minn hekk, lanqas ma għandha l-għan li tiffinanzja l-infrastrutturi marittimi, fosthom il-portijiet. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dan il-punt għandu jiġi ċċarat anke fil-proposta, pereżempju fil-preambolu.

3.3.1   L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-proposta tagħmilha possibbli li, minbarra l-għotjiet għall-azzjonijiet, ikun hemm ukoll għotjiet operattivi marbuta mal-programm. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja li d-dettalji tar-riżorsi miġbura fl-aħħar tal-Proposta għal Regolament jagħtu indikazzjonijiet fir-rigward tal-qafas tal-programm, it-test tal-proposta nnifsu ma jagħmilhiex ċara liema tip ta’ għotja operattiva huwa ppjanat.

3.3.2   Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll, bil-għan li jiġi evitat li l-Kummissjoni nnifisha tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni previsti fit-Trattat, li dan l-aspett ikun iċċarat fit-test tal-proposta, fid-dawl tal-fatt li l-kompetittività transkonfinali hija realtà li niltaqgħu magħha kważi kuljum fl-affarijiet marittimi. Jeħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-Istati Membri kollha jibqa’ jkollhom l-għażla li jappoġġjaw it-trasport marittimu.

3.4   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li din il-proposta tissejjes fuq il-prinċipju tat-tqassim tal-kompetenzi, ħlief fir-rigward tas-suġġetti marbuta mal-preservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li huma fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

3.5   Il-Kumitat jixtieq li jirċievi kjarifika min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-bażijiet legali użati mill-Kummissjoni. L-ewwel paragrafu tal-Artikoli 74 u 77 tat-TFUE ma jsegwix il-proċedura leġislattiva ordinarja. Għandu dubju sa liema punt il-bażijiet legali li ntużaw mill-Kummissjoni huma kompatibbli mal-bażijiet legali l-oħra li, min-naħa tagħhom, huma konformi mal-proċedura leġislattiva ordinarja. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-proċeduri previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikoli 74 u 77 tat-TFUE ma jikkostitwixxux proċeduri leġislattivi fis-sens tal-Artikolu 289 tat-TFUE.

3.6   In-natura transkonfinali tal-attivitajiet marittimi u s-sinerġiji bejn il-politiki settorjali jiġġustifkaw biżżejjed, fil-fehma tal-Kumitat, l-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-politika marittima integrata – ir-riċerka, il-kontribut għal proġetti pilota, il-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-politika marittima integrata fl-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

3.7   Fil-fehma tal-Kumitat, il-bażi tal-evalwazzjoni ex-ante tal-Kummissjoni mhijiex l-iktar punt b’saħħtu tal-proposta. Fid-dawl tal-għażliet l-oħra disponibbli, huwa jemmen li l-ġustifikazzjoni għall-Għażla 2 – parteċipazzjoni finanzjarja modesta min-naħa tal-UE – biex jiġu eżaminati għażliet oħrajn u titkompla l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata b’mod proporzjonat għall-iżvilupp tagħha hija pjuttost waħda fqira. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex bażi aktar soda, l-aktar fil-qasam tal-għażla tas-suġġetti u l-punti ta’ azzjoni konkreti.

3.8   Fil-fehma tal-Kumitat, l-azzjonijiet previsti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha, innumerati fl-Artikolu 4, mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-artikoli preċedenti. Jissuġġerixxi li, f’dawk il-każi fejn hemm il-bżonn ta’ koordinazzjoni u ċarezza akbar fir-rigward tar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi, il-Kummissjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tipproponi linji gwida aktar ċari.

3.9   Il-Kummissjoni tipproponi li, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, jitressaq rapport ta’ evalwazzjoni ex-post quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-Kumitat jappoġġja din il-proposta, iżda jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn ta’ evalwazzjoni ex-ante dokumentata aħjar bil-għan li fil-fażi ex-post ikun jista’ jintwera li l-għanijiet stabbiliti jkunu ntlaħqu tassew.

4.   Osservazzjonijiet partikolari

4.1   Huwa magħruf li l-Kumitat jappoġġja approċċ insettorjali tal-governanza marittima. F’dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-atturi kollha. Fil-fehma tal-Kumitat, il-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati fl-azzjonijiet meħuda hija l-muftieħ tas-suċċess. It-tnedija ta’ sejħa għal din il-parteċipazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ politika marittima integrata fl-Istati Membri u fil-kuntest tal-kollaborazzjonijiet bejniethom huma elementi kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet definiti.

4.2   Minkejja li l-proposta indirizzata hawnhekk ma tittrattax il-kontenut tal-politiki, il-Kumitat xorta waħda jixtieq itenni l-pożizzjoni li adotta f’opinjonijiet preċedenti, jiġifieri li l-aspetti li ġejjin jitolbu attenzjoni partikolari fil-qafas ta’ politika marittima integrata.

4.2.1   Il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni bilanċjata bejn, minn naħa, il-preokkupazzjonijiet ambjentali tar-reġjuni tal-kosta tal-UE u, min-naħa l-oħra, il-ħtiġiet tal-kummerċ dinji, li jwasslu għal żieda fit-trasport marittimu.

4.2.2   Il-Kumitat ifakkar fiż-żewġ diżastri marittimi kbar tal-Erika fl-1999 u tal-Prestige fl-2002, irrappurtati b’mod wiesgħa mill-mezzi tax-xandir, u jissuġġerixxi li jsiru pjani biex jindirizzaw l-agħar sitwazzjoni possibbli (“worst case scenario”). Madankollu, huwa tal-fehma li, minkejja l-ammont kbir tas-soluzzjonijiet leġislattivi disponibbli, li jgħoddu mal-15-il regolament u direttiva ġodda, il-ħidma mwettqa mill-Istati Membri għadha inadegwata f’żewġ oqsma importanti:

il-ħolqien fil-portijiet ta’ stallazzjonijiet għall-ġbir tar-residwi taż-żejt tal-bastimenti, li n-nuqqas tagħhom ifisser li r-rimi taż-żejt għadu jsir fil-baħar;

il-ħolqien ta’ “portijiet ta’ rifuġju” fi kwantitajiet biżżejjed għall-bastimenti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli, kif ukoll in-nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi f’każ ta’ diżastru.

Jeħtieġ li l-miżuri li jindirizzaw dawn il-problemi jitpoġġew fil-lista tal-għanijiet eliġibbli għall-appoġġ.

4.2.3   Issa li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE, jeħtieġ li jittieħdu passi biex tiġi implimentata. Peress li l-Konvenzjoni hija parti integrali mill-acquis communautaire, fil-fehma tal-Kumitat, il-pajjiżi terzi li għadhom ma rratifikawx u ma implimentawx il-Konvenzjoni għandhom jintalbu jagħmlu dan, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-ibħra jinsabu bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-UE jew bdew in-negozjati tal-adeżjoni.

4.2.4   Bil-għan li jiżgura li l-proċess jaħdem tajjeb, il-Kumitat jipproponi li, mill-inqas darba fis-sena, tiġi organizzata laqgħa fil-livell tal-ministri tal-Unjoni għall-Mediterran dwar il-politika marittima integrata. Il-Kumitat jittama li, fil-futur qarib, din il-prattika tibda tintuża wkoll f’baċiri marittimi oħra, bħall-Baħar Baltiku, l-Atlantiku tat-Tramuntana u l-Baħar l-Iswed.

4.2.5   Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni, sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-politika marittima integrata, għandha tagħti attenzjoni akbar lit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-baħar u lis-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti.

4.2.6   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li, biex jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb ta’ suq marittimu integrat, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni aktar sfiqa bejn is-servizzi tal-ispezzjoni, l-għassiesa tal-kosta u l-flotot tal-Istati Membri, preferibbilment mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

4.2.7   Dan it-tħaddim tajjeb jitlob ukoll it-twaqqif ta’ korp komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni marittima u ta’ sistema integrata għas-sorveljanza marittima. Fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett (2), il-KESE jenfasizza l-bżonn li tinħoloq sistema mfassla b’mod li, fuq perjodu fit-tul, tipprovdi informazzjoni preċiża, aġġornata, kosteffettiva u ta’ kwalità tajba.

4.2.8   Il-Kumitat josserva li, f’opinjoni preċedenti (3), diġà tkellem dwar ir-rwol li jista’ jaqdi fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi fil-qasam marittimu, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tat-territorju marittimu. Jixtieq jieħu din l-opportunità biex itenni dan l-impenn.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

ĠU C 255, 22.9.2010, p. 103.

ĠU C 306, 16.12.2009, p. 46.

ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20.

ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50.

(2)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 173.

(3)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament (UE) […/….] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzij[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima]

COM(2010) 611 finali – 2010/0303 (COD)

2011/C 107/14

Relatur: is-Sur SIMONS

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar it-22 u l-10 ta' Novembru 2010 rispettivament, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Ewropa, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament (EU) […/…] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzij[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima]

COM (2010) 611 finali – 2010/0303 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'114-il vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat bi pjaċir jilqa' r-rwol li taqdi l-Aġenżija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) fit-titjib tas-sigurtà marittima fl-Istati Membri, u jqis li fil-ġejjieni ser ikun ferm importanti li l-kompiti u l-kompetenzi tal-EMSA jiġu estiżi b'mod responsabbli.

1.2   B'“mod responsabbli”, il-Kumitat jixtieq ifisser li l-kompiti, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-EMSA għandhom jiġu formulati u stabbiliti b'mod iktar ċar milli kienu s'issa, sabiex ma jkunx hemm aktar interpretazzjoni ħażina tat-tqassim tal-kompiti bejn l-EMSA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

1.3   Fil-kuntest tal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kumitat jixtieq jindika li fuq ċerti punti, il-proposta tal-Kummissjoni tantiċipa r-rwol li l-EMSA tista' taqdi fil-ġejjieni. L-ewwel trid tittieħed deċiżjoni fil-livell Ewropew.

1.4   Il-Kumitat jinsab sorpriż li fl-Artikolu 2(2)(d) issemmew f'daqqa waħda “il-passaġġi interni tal-ilma”. Ma saret l-ebda referenza oħra għall-passaġġi interni, la fil-leġislazzjoni eżistenti rilevanti, li kif jindika t-titolu, tindirizza biss kwistjonijiet marittimi, u lanqas fil-memorandum ta' spjegazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt jew il-premessi tal-emenda attwali. M'hemm l-ebda ħjiel tar-raġuni u l-ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tal-passaġġi interni, l-ambitu ta' din iż-żieda, il-ħtiġiet tekniċi involuti, u kif ser jiġu indirizzati kemm il-politiki differenti dwar il-baħar u l-passaġġi interni kif ukoll l-arranġamenti totalment differenti ta' governanza u amministrazzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet biss, biex ma nsemmux il-fatt li diġà twaqqfu servizzi separati għat-traffiku tal-bastimenti għax dawn iż-żewġ modi ta' trasport huma totalment differenti, ir-referenza għall-passaġġi tal-ilma għandha titneħħa.

1.5   Ċertament, il-Kumitat jista' jistenna li dalwaqt tinħoloq bażi ġuridika, u għalhekk ambitu baġitarju wkoll, li permezz tiegħu l-Aġenzija jkollha l-mezzi biex tappoġġja lill-Kummissjoni b'għarfien u esperjenza rilevanti u speċifiċi, minħabba l-attivitajiet tagħha fil-qasam marittimu, iżda dan m'għandux japplika biss għall-modi kollha tat-trasport, imma anke għall-oqsma ta' politika barra t-trasport.

1.6   B'mod ġenerali, il-Kumitat jinsab kuntent bil-proposta biex ir-regolament bażi jsir iktar konformi mal-leġislazzjoni Ewropea fit-tielet pakkett ta' sigurtà marittima.

1.7   Il-Kumitat jirrakkomanda li r-rwoli tal-EMSA, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Bord Amministrattiv jiġu ċċarati, b'mod speċjali dwar kif se jiġu organizzati l-ispezzjonijiet.

1.8   Għalhekk, il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li meta jiġu stabbiliti l-metodi ta' ħidma għall-ispezzjonijiet tal-EMSA jiġi segwit l-eżempju tal-Aġenzija Ewropa tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni

1.9   Il-Kumitat iqis li, billi fil-passat uriet il-valur miżjud tagħha, huwa meħtieġ li l-EMSA tingħata r-riżorsi umani u finanzjarji biex fil-ġejjieni tkun tista' tibqa' taqdi r-rwol tagħha b'mod responsabbli. Fil-fehma tal-Kumitat, dan ifisser li l-valutazzjonijiet esterni għandhom ikomplu jsiru fuq bażi regolari.

2.   Daħla

2.1   Fit-28 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħarġet il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzij[a] Marittima Ewropea tas-Sigurtà [Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima] – (COM(2010) 611 finali – 304/0303 (COD)), u b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni dwarha.

2.2   Il-Kumitat bi pjaċir laqa' din it-talba, għax iqis li din il-Proposta li temenda r-Regolament Nru 1406/2002 hija pass importanti 'l quddiem biex tissaħħaħ is-sigurtà marittima.

2.3   Għandu jitfakkar li l-kwistjoni tas-sigurtà marittima bdiet tingħatalha l-attenzjoni mil-lat politiku biss wara d-diżastru tat-tanker taż-żejt “Erika” li rriżulta f'danni serji ta' tniġġis taż-żejt.

2.4   Fl-aħħar tal-2000, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament biex titwaqqaf Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA). Din l-Aġenzija kellha tiffunzjona bħala korp tekniku, biex fl-UE jkun hemm livell għoli, uniformi u effikaċji ta' sigurtà marittima, u biex jiġi evitat it-tniġġis mill-bastimenti.

2.5   Ir-Regolament daħal fis-seħħ f'Awwissu 2002, filwaqt li l-EMSA bdiet l-attivitajiet tagħha f'Marzu 2003. Minn dak iż-żmien 'l hawn ir-Regolament ġie emendat tliet darbiet.

2.6   L-ewwel emenda, ir-Regolament Nru 1644/2003, kienet tikkonċerna l-iktar il-proċeduri finanzjarji u baġitarji u kellha tiżgura iktar trasparenza.

2.7   It-tieni emenda, ir-Regolament Nru 724/2004, xprunata mill-inċident tal-“Prestige” fl-2002, tat lill-Aġenzija għadd konsiderevoli ta' kompiti ġodda, b'mod partikolari rigward il-viġilanza u l-prevenzjoni tat-tniġġis. Din l-emenda kkunsidrat ukoll l-iżviluppi fil-kompetenzi tal-UE relatati mas-sigurtà marittima.

2.8   B'din ir-reviżjoni l-EMSA ntalbet tipprovdi l-assistenza teknika fl-ispezzjonijiet, li l-Kummissjoni hi meħtieġa twettaq skont ir-Regolament 725/2004, bil-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-bastimenti u tal-faċilitajiet tal-portijiet.

2.9   L-EMSA ntalbet ukoll tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni u tal-istabbilimenti tat-taħriġ tal-baħħara kemm fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi. Din l-għajnuna tinkludi l-istandards tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-għassa li huma stabbiliti fl-hekk imsejħa Konvenzjoni STWC tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

2.10   It-tielet emenda saret fl-2006 bir-Regolament Nru 2038/2006. Fiha, ġie stabbilit qafas finanzjarju ta' EUR 154 miljun għall-EMSA għall-perjodu 2007-2013, biex din l-aġenzija tkun tista' twettaq attivitajiet għall-ġlieda kontra t-tniġġis.

2.11   L-iżviluppi f'dan il-qasam għadhom għaddejjin. Sabiex l-EMSA tkun tista' topera b'mod effettiv u effiċjenti hemm bżonn tal-proposta attwali għar-raba' emenda għar-Regolament 1406/2002.

2.12   L-għan tal-emenda proposta mill-Kummissjoni, minn naħa, huwa li tiċċara l-kompiti u r-rwol eżistenti tal-EMSA u, min-naħa l-oħra, li testendi l-kompiti tal-EMSA għal oqsma ġodda li qed jiġu żviluppati fil-livell internazzjonali u/jew tal-UE.

2.13   Fost l-attivitajiet attwali, l-EMSA tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni b'assistenza teknika u xjentifika sabiex tgħin lill-Istati Membri japplikaw sew il-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sikurezza marittima, tas-sigurtà marittima u tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-bastimenti, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta' din il-leġislazzjoni, jevalwaw l-effikaċja tal-miżuri stabbiliti u jikkontribwixxu fl-iżvilupp ta' miżuri ġodda.

2.14   Fil-Komunikazzjoni tagħha L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, il-Kummissjoni ddikjarat li beħsiebha tirrevedi l-mandat u t-tħaddim tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, sabiex tittejjeb iktar l-assistenza teknika u xjentifika li din tista' tagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

2.15   Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta' Marzu 2009, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-isfidi futuri, tiżviluppa miżuri bil-għan li ttejjeb ħidmet l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima hija u tipprovdi assistenza teknika u xjentifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

2.16   Fuq talba tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sinerġiji fuq il-livell tal-UE rigward ċerti operazzjonijiet tal-gwardjani tal-kosta jistgħu jissaħħu permezz tal-attivitajiet tal-EMSA. Dan jista' jitwettaq billi l-kompiti tal-EMSA jiġu estiżi f'oqsma magħżula, b'mod partikolari l-monitoraġġ tat-traffiku marittimu u tar-rotot tat-tbaħħir, kif ukoll l-assistenza lill-Istati Membri sabiex jintraċċaw lin-niġġiesa potenzjali.

2.17   Kif inhu previst mir-Regolament 1406/2002, lejn l-aħħar tal-2007, il-Bord Amministrattiv tal-EMSA nkarigat kumpanija ta' konsulenza esterna sabiex twettaq valutazzjoni indipendenti tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Fir-rapport ta' din il-kumpanija ġie nnotat li f'xi oqsma hemm bżonn ta' titjib u kjarifiki, imma b'mod ġenerali ġie konkluż li l-Aġenzija tagħti valur miżjud lis-settur kollu kemm hu u b'mod partikolari liż-żewġ partijiet interessati l-iktar importanti - l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   F'opinjonijiet preċedenti (1)  (2), il-Kumitat enfasizza r-rwol kruċjali li taqdi l-EMSA fit-titjib tas-sigurtà marittima fl-Istati Membri. Fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi fil-qasam tas-sigurtà marittima u b'hekk il-ħtieġa relatata tal-ispezzjonijiet u l-ġlieda kontra t-tniġġis, il-Kumitat jemmen li huwa ferm importanti li l-kompiti u d-dmirijiet tal-EMSA jiġu estiżi.

3.2   L-estensjoni proposta, fost affarijiet oħra, tikkonċerna l-appoġġ li l-EMSA tipprovdi lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IMO; ir-rwol tas-servizzi operattivi bħal SafeSeaNet li jikkontribwixxu għall-politika marittima integrata u biex is-sistemi jsiru interoperabbli; il-ġlieda kontra t-tniġġis marittimu minn attivitajiet ta' esplorazzjoni barra mill-kosta (offshore); il-kooperazzjoni teknika ma' pajjiżi terzi u l-għajnuna tal-Kummissjoni fl-ispezzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà.

3.3   Il-bażi ewlenija għall-emendar tar-Regolament prinċipalment hija t-tielet pakkett ta' miżuri favur is-sikurezza marittima, kif ukoll it-temi l-ġodda għall-istrateġija ta' ħames snin 2010-2014 tal-EMSA u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Amministrattiv tal-EMSA dwar il-valutazzjoni tal-EMSA minn kumpanija estern.

3.4   Il-kompiti tal-EMSA għandhom ikunu iktar ċari u preċiżi rigward l-appoġġ li l-EMSA għandha tagħti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'mod partikolari fil-kuntest ta' żviluppi ġodda, bħat-tielet pakkett ta' miżuri favur is-sikurezza marittima, il-politika marittima integrata tal-Unjoni, il-monitoraġġ marittimu, il-vijabbiltà ta' kosta gwardjana Ewropea, eċċ.

3.4.1   Il-Kumitat jinsab sorpriż li fl-Artikolu 2(2)(d) issemmew f'daqqa waħda “il-passaġġi interni tal-ilma”. Ma saret l-ebda referenza oħra għall-passaġġi interni, la fil-leġislazzjoni eżistenti rilevanti, li kif jindika t-titolu, jindirizza biss kwistjonijiet marittimi, u lanqas fil-memorandum ta' spjegazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt jew il-premessi tal-emenda attwali. M'hemm l-ebda ħjiel tar-raġuni u l-ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tal-passaġġi interni, l-ambitu ta' din iż-żieda, il-ħtiġiet tekniċi involuti, u kif ser jiġu indirizzati kemm il-politiki differenti dwar il-baħar u l-passaġġi interni kif ukoll l-arranġamenti totalment differenti ta' governanza u amministrazzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Għal dawn ir-raġunijiet biss, biex ma nsemmux il-fatt li diġà twaqqfu servizzi separati għat-traffiku tal-bastimenti għax dawn iż-żewġ modi ta' trasport huma totalment differenti, ir-referenza għall-passaġġi tal-ilma għandha titneħħa.

3.4.2   Ċertament, il-Kumitat jista' jistenna li dalwaqt tinħoloq bażi ġuridika, u għalhekk ambitu baġitarju wkoll, li permezz tiegħu l-Aġenzija jkollha l-mezzi biex tappoġġja lill-Kummissjoni b'għarfien u esperjenza rilevanti u speċifiċi, minħabba l-attivitajiet tagħha fil-qasam marittimu, iżda dan m'għandux japplika biss għall-modi kollha tat-trasport, imma anke għall-oqsma ta' politika barra t-trasport.

3.4.3   L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-oqsma li fihom din l-Aġenzija ser tappoġġja lill-Kummissjoni. Xi partijiet tal-Artikolu 2(2) ma jispeċifikawx liema assistenza għandha tkun parti mill-kompiti tal-EMSA filwaqt li partijiet oħra jispeċifikaw dan imma bi kliem inkonsistenti, joħolqu konfużjoni u f'xi punti, bħal fil-każ ta' 2(e), mhumiex ċari. Is-soluzzjoni tkun li dawn is-sezzjonijiet jitneħħew billi diġà jissemmew fl-Artikolu 2(1).

3.5   Rigward il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Kumitat japprova l-proposta għal emenda biex ir-Regolament isir iktar konformi mal-leġislazzjoni Ewropea skont it-tielet pakkett ta' miżuri favur is-sikurezza marittima. Madankollu jixtieq jenfasizza li, f'ċerti aspetti l-proposta tantiċipa r-rwol li l-EMSA tista' taqdi fil-futur, pereżempju fit-twaqqif ta' ċentri reġjonali, filwaqt li s'issa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar dan.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Fil-kuntest tal-aspetti tal-governanza, il-Kumitat jinnota li l-proposta tgħid li fl-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet “ir-rwoli tal-Aġenzija, tal-Kummissjoni, tal-Bord Amministrattiv u tal-Istati Membri jeħtieġ li jiġu ċċarati”.

4.2   Naturalment, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Bord Amministrattiv jiffaċċjaw il-possibbiltà ta' kunflitt ta' interessi: minn naħa waħda, huma jiddeċiedu dwar l-attivitajiet u r-riżorsi tal-EMSA, b'mod partikolari dwar il-politika tal-ispezzjonijiet, min-naħa l-oħra huma jirrappreżentaw lill-amministrazzjonijiet nazzjonali, li huma stess huma soġġetti għall-ispezzjonijiet mill-EMSA f'isem il-Kummissjoni sabiex tkun ikkontrollata l-konformità tar-regolamenti u tal-prattika nazzjonali mal-liġi applikabbli tal-UE.

4.3   Għalhekk, il-Kumitat jaqbel mat-test fl-Artikolu 3 dwar l-ispezzjonijiet tal-EMSA u jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li meta jiġu stabbiliti l-metodi ta' ħidma għall-ispezzjonijiet (proċedura tal-komitoloġija) jiġi segwit l-eżempju tal-Aġenzija Ewropa tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

4.4   Dan jiżgura l-involviment tal-partijiet interessati kollha - l-EMSA, il-Kummissjoni u l-Istati Membri - filwaqt li jiġu rispettati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti.

4.5   Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll, li f'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni lill-kondizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol tal-baħħara, b'mod speċjali b'rabta mal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Baħħara (MLC ILO), naturalment safejn jikkonċerna biss l-ambitu tal-EMSA.

4.6   Il-Kumitat jixtieq jagħmel osservazzjoni dwar l-emenda proposta għall-Artikolu 5(3). L-emenda proposta tfisser li ċ-ċentri reġjonali li għad iridu jitwaqqfu mhux ser jittrattaw biss kwistjonijiet marbuta mal-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u t-trasport marittimu. Il-Kumitat iwissi li t-tħaddim tajjeb jiddependi minn ftehim ċar bejn l-Istati Membri u l-EMSA dwar min huwa responsabbli u kompetenti u f'liema qasam.

4.7   Il-bidliet fl-Artikoli 10 sa 19 jirrelataw l-iktar mal-korpi stabbiliti jew li għad iridu jiġu stabbiliti mill-EMSA, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tagħhom, iż-żidiet fil-persunal u s-sorsi ta' finanzjament.

4.8   Il-Kumitat iqis li billi fil-passat uriet li tista' toħloq valur miżjud importanti, huwa meħtieġ li l-EMSA tingħata r-riżorsi umani u finanzjarji biex tkun tista' tkompli taqdi r-rwol tagħha b'mod responsabbli. Kull restrizzjoni fir-riżorsi umani u finanzjarji, li tfisser li l-EMSA tkun tista' taqdi inqas kompiti, dejjem għandha titqies fid-dawl tal-konsegwenzi – negattivi – li jinħolqu jekk dawn l-attivitajiet ma jitwettqux.

4.9   Fl-aħħar nett, il-Kumitat jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Bord Amministrattiv tal-EMSA li fil-ġejjieni korp indipendenti għandu jwettaq valutazzjoni esterna tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija fuq bażi regolari.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 28, 03.02.2006, p.16 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 108, 30.04.2004, p.52 (Mhux disponibbli bil-Malti).


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrevoka ċerti atti tal-Kunsill li m’għadhomx jgħoddu fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni”

COM(2010)764 finali – 2010/0368(COD)

2011/C 107/15

Il-Parlament Ewropew, nhar it-18 ta' Jannar 2011, u l-Kunsill, nhar is-27 ta' Jannar 2011, iddeċidew, b’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jirrevoka ċerti atti tal-Kunsill li m’għadhomx jgħoddu fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni

COM(2010) 764 finali – 2010/0368 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar 2011), b’128 vot favur u astensjoni waħda (1), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti” (Riformulazzjoni)

COM(2010) 784 finali – 2010/0387 (CNS)

2011/C 107/16

Nhar il-25 ta' Jannar 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (Riformulazzjoni)

COM(2010) 784 finali – 2010/0387 (CNS).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar “Sistema komuni tat-tassazzjoni / kumpaniji prinċipali u sussidjarji”; ĠU 2009/C 182/18 p. 77, adottata fl-14 ta' Jannar 2009, iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), b’115-il vot favur u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija” (Kodifikazzjoni)

COM(2010) 717 finali – 2010/0348 (COD)

2011/C 107/17

Il-Kunsill, nhar is-17 ta' Jannar 2011, u l-Parlament Ewropew, nhar is-16 ta' Diċembru 2010, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni, il-post, l-operazzjoni u l-identifikazzjoni tal-kontrolli ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija

COM(2010) 717 finali – 2010/0348 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), b’114 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mezzi tal-ibbrejkjar ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija” (Kodifikazzjoni)

COM(2010) 729 finali – 2010/0349 (COD)

2011/C 107/18

Il-Kunsill, nhar is-17 ta' Jannar 2011, u l-Parlament Ewropew, nhar is-16 ta' Diċembru 2010, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mezzi tal-ibbrejkjar ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-forestrija

COM(2010) 729 finali – 2010/0349 (COD)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Frar 2011 (sessjoni tas-16 ta' Frar), b’111-il-vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispazju għall-manuvrar, l-aċċess għall-pożizzjoni tas-sewqan u l-bibien u t-twieqi ta’ tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija” (Kodifikazzjoni)

COM(2010) 746 finali – 2010/0358 (COD)

2011/C 107/19

Il-Kunsill, nhar is-17 ta' Jannar 2011, u l-Parlament Ewropew, nhar is-16 ta' Diċembru 2010, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ispazju għall-manuvrar, l-aċċess għall-pożizzjoni tas-sewqan u l-bibien u t-twieqi ta' tratturi bir-roti għall-agrikoltura jew għall-foresterija

COM(2010) 746 finali – 2010/0358 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), b’108 voti favur u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi”

COM(2011) 6 finali – 2011/0271 (CNS)

2011/C 107/20

Nhar is-26 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM(2011) 6 finali – 2011/0007 (CNS).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjoni tiegħu CESE 763/2010, adottata fis-27 ta’ Mejju 2010 (1), iddeċieda, matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u tas-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-16 ta’ Frar ) b’119-il vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-linji gwida għall-politika dwar l-impjieg, ĠU C 21, p. 66, 21.1.2011.