ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.099.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 99

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
31 ta' Marzu 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2011/C 099/01

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2011 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) u dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (CON/2011/12)

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 099/02

Rata tal-kambju tal-euro

8

2011/C 099/03

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Dokument ta' gwida dwar l-applikazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE

9

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 099/04

Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Għotjiet lir-Riċerkaturi fl-ambitu tal-programm ta' ħidma tal-Programm Ewropew konġunt ta' Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

29

2011/C 099/05

Sejħa speċifika għal proposti – EAC/16/11 – Karta Universitarja tal-Erasmus 2012

30

 

Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel

2011/C 099/06

Sejħa għal turija ta’ interess għal esperti Xjentifiċi sabiex jiġu kkunsidrati għal sħubija fil-panils Xjentifiċi u fil-Kumitat Xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma, Italja)

31

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 099/07

Avviż rigward il-miżuri ta' anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, fiċ-Ċina u li huma estiżi għall-importazzjonijiet tal-ħbula u l-kejbils tal-azzar mibgħuta mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarat li joriġinaw fil-Korea u sew jekk le: indirizz mibdul ta' kumpanija eżentata mill-miżuri estiżi

38

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Bank Ċentrali Ewropew

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Frar 2011

dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) u dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur

(CON/2011/12)

2011/C 99/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-22 ta’ Settembru 2010 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni) (1) (minn hawn ’l quddiem “il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva”). Fit-30 ta’ Settembru 2010 il-BĊE irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 97/9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (2) (minn hawn ’l quddiem “il-proposta għal direttiva li temenda”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u l-proposta għal direttiva li temenda fihom dispożizzjonijiet li jeffettwaw il-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Il-BĊE jilqa’ l-għan tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva biex tipprovdi qafas komprensiv u aktar armonizzat għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (SGD). Il-BĊE japprezza illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva ser tinkorpora ħafna mir-rakkomandazzjonijiet magħmulin fi: (a) Opinjoni tal-BĊE CON/2008/70 (3) fuq proposta li saret aktar kmieni għal emendi lid-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (4); u (b) il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni ta' Direttiva 94/19/KE (5). Il-BĊE japprezza l-inkorporazzjoni fil-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tar-rakkomandazzjonijiet tagħha biex: (a) jiġu armonizzati aktar il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-livelli ta’ kopertura għal garanziji tad-depożiti (6); (b) jissaħħu r-rekwiżiti tal-informazzjoni imposti fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonċernaw il-firxa tal-protezzjoni tad-depożitu mogħtija permezz ta’ SGD rilevanti (7); u (ċ) jiddaħħlu arranġamenti ta’ finanzjament parzjali ex ante għall-SGDi kollha (8). Il-BĊE jikkunsidra lil dawk l-elementi tal-qafas regolatorju tal-SGD bħala kruċjali minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja.

2.

Il-BĊE jinnota wkoll illi r-Rapport mill-Kummissjoni Ewropea li jakkumpanja l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva (9) jikkunsidra l-iżvilupp ta’ aktar ftehim f’livell ta’ Unjoni għall-koordinazzjoni ta’ garanziji tad-depożiti wara li jkun intlaħaq il-livell immirat speċifikat għall-fondi tagħhom. Fl-istess ħin, il-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar qafas tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet fis-settur finanzjarju (10) tirreferi għas-sinerġiji li jistgħu jiġu esplorati bejn l-SGD u l-fondi ta’ riżoluzzjoni ġodda li ġew stabbiliti għal istituzzjonijiet finanzjarji. L-Eurosistema għandha interess qawwi f’dan il-qasam ibbażat fuq ir-rwol tagħha fl-istabbiltà finanzjarja u ser issegwi l-progress ta’ dan ix-xogħol b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

3.

Il-BĊE jirrikonoxxi illi l-proposta għal direttiva li temenda tintroduċi l-aġġornament ta’ Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (11) ser tkabbar l-armonizzazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens għall-investitur fl-Unjoni fl-Unjoni. Filwaqt illi l-BĊE ma jipprovdix kummenti dettaljati dwar dan l-istrument leġiżlattiv, jidher li li huwa importanti illi l-qafas regolatorju tal-Unjoni jkompli jkun ibbażat fuq l-assunzjoni ta’ profili tar-riskju differenti għad-depożitant u għall-investituri.

Osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-SGD

Skop tal-kopertura

4.

Il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva ser titlob illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jsiru membri ta’ SGDi u joffru garanziji tad-depożitu taħt kundizzjonijiet armonizzati (12) u li jkunu ffinanzjati, fil-prinċipju, minn kontribuzzjonijiet individwali ex ante tal-membri ta' SGD. Il-BĊE jqis illi dawn il-kundizzjonijiet armonizzati huma meħtieġa sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fil-kuntest tas-suq waħdieni tal-Unjoni għas-servizzi finanzjarji. Il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) ukoll jappoġġja sħubija possibbilment wiesgħa ta’ SGD (13). Fl-istess waqt, il-BĊE jirrikonoxxi il-funzjonament b’suċċess ta’ skemi reċiproċi u volontarji li dejjem kien hemm f’xi Stati Membri, li jiksbu protezzjoni tad-depożitu permezz ta’ arranġamenti oħrajn li mhumiex garanziji tad-depożiti pre-definiti, eż. permezz ta’ arranġamenti ta’ salvataġġ finanzjarju reċiproku. Il-BĊE jifhem illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva mhijiex intiża biex tillimita l-kapaċità kontinwata tal-iskemi reċiproċi u volontarji biex joffru protezzjoni lill-istituzzjonijiet membri tagħhom b’mod karatteristiku għal dawn l-iskemi, li tkun ipprovduta b'mod parallel għall-garanziji tad-depożiti illi jiġu offruti lil klijenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet membri skont il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva. F’dan il-kuntest, il-BĊE jilqa’ l-perijodu ta’ għaxar snin biex fuqu jinkiseb gradwalment il-livell immirat ta' finanzjament ex ante stabbilit fil-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva bil-għan li jitħaffef il-piż fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li qabel ma kinux obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet għall-SGD (14).

5.

Il-BĊE jirrakkomanda (15) illi l-esklużjoni ta’ depożiti miżmumin minn awtoritajiet pubbliċi mis-sistema tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva għandha tuża il-lingwaġġ aktar preċiż u oriġinali tad-Direttiva 94/19/KE, u għalhekk għandha tirreferi għal “awtoritajiet tal-gvern u awtoritajiet ċentrali amministrattivi” u “awtoritajiet provinċjali, reġjonali, lokali u muniċipali” (16).

Perijodu għar-rikumpens

6.

Il-BĊE jilqa’ l-prinċipju ta’ aktar tnaqqis fil-perijodi għar-rikumpens għal depożiti garantiti (17). Minkejja dan, il-kisba tat-tnaqqis propost għal 7 ijiem jista’ jkun diffiċli peress illi jrid jiġi mdaħħal ftit wara t-tnaqqis oriġinali ta' 20 jum tax-xogħol, li kellu jiġi implimentat mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2010 (18). Il-BĊE jirrakkomanda (19) illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tiġi emendata sabiex il-Kummissjoni (i) tħejji studju dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis oriġinali għal 20 jum tax-xogħol; u (ii) abbażi tar-riżultati tal-istudju, tifformola proposti fir-rigward ta' tnaqqis addizzjonali possibbli jew tnaqqis tal-perijodu tar-rikumpens

Finanzjament

7.

Skont il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, l-SGD għandha tikseb finanzjament ex ante fil-livell definit bħala persentaġġ tad-depożiti eliġibbli fuq perijodu gradwali ta’ 10 snin (20). Il-BĊE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ livell immirat espliċitu ta’ finanzjament ex ante, li ssaħħaħ konsiderevolment l-istabbiltà finanzjarja u l-kundizzjonijiet ekwi billi ċċaqlaq il-piż tal-iffinanzjament tal-SGD għal fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma membri tagħha, jiġifieri għal fuq l-entitajiet li jikkontrollaw ir-riskji assigurati mill-SGD. Il-BĊE jifhem illi l-livell ta’ finanzjament ex ante huwa s-suġġett ta’ dibattitu mmexxi bħala parti mill-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni. Il-BĊE jirrakkomanda (21) illi dan il-livell ta’ finanzjament ex ante jkun iddefinit b’referenza għal ‘depożiti koperti’, jiġifieri depożiti eliġibbli li ma jeċċedux il-livell ta’ kopertura (22), billi d-depożiti koperti jirriflettu l-livell ta’ obbligazzjonijiet tal-SGDi b’mod aktar xieraq mid-depożiti eliġibbli.

8.

F'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali ta’ membri tal-SGD, il-BĊE jilqa’ fil-prinċipju l-mudell propost ta’ kontribuzzjonijiet parzjali bbażati fuq ir-riskju, b’dispożizzjonijiet li jiżguraw il-paragunabbiltà tal-klassijiet ta’ assi varji (23). Dan il-mudell, li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (24), għandu l-għan li jżomm il-kalkolu sempliċi biżżejjed sabiex jippermetti l-paragunabbiltà ta’ kontribuzzjonijiet individwali, filwaqt illi japplika numru ta’ indikaturi rilevanti ewlenin (ibbażati fuq ir-riskju) u supplimentari (mhux ibbażati fuq ir-riskju). Il-BĊE jirrakkomanda (25) illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tipprovdi sabiex elementi dettaljati tal-metodoloġija tal-kalkolu jiġu speċifikati aktar permezz ta’ standards tekniċi u linji gwida żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), abbażi ta’ dejta empirika verifikata u l-promozzjoni tat-trattament ugwali.

9.

Jekk il-finanzjament ex ante mhuwiex suffiċjenti biex jirrimborża lid-depożitanti, il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tistabbilixxi tliet passi għal-finanzjament addizzjonali ex post. Il-BĊE għandu l-osservazzjonijiet li ġejjin f’dan ir-rigward:

9.1.

Bħala l-ewwel pass, il-membri ta’ SGD ser jintalbu jħallsu kontribuzzjonijiet straordinarji, li jistgħu jammontaw sa 0,5 % tad-depożiti eliġibbli (26). Il-BĊE jilqa’ din is-soluzzjoni, li tinvolvi lis-settur finanzjarju nnifsu fit-twettiq ta’ talbiet straordinarji, b’hekk tillimita l-inċentivi għar-riskju morali inerenti f’arranġamenti ta’ SGD u tipprovdi l-bażi għal pressjoni effettiva inter partes.

9.2.

Bħala t-tieni pass, skema ta’ self reċiproku tista’ tiġi attivata, li tippermetti lil kwalunkwe SGD li topera fi Stat Membru biex issellef lil SGD oħra sa 0,5 % tad-depożiti eliġibbli tagħha u li titħallas lura bl-imgħax fi żmien ħames snin. (27) Il-BĊE jinnota illi l-attivazzjoni ta’ arranġamenti ta’ self transkonfinali bejn SGD tista’ twassal għal każijiet fejn SGD li tislef tiġi ffaċċjata aktar tard bil-ħtieġa li tkopri l-ħtiġijiet tar-rikumpens tagħha stess jew fejn l-SGD li tissellef għandha firxa ta’ funzjonijiet usa’ mill-SGD li tislef, eż, fejn għandha l-poteri biex tirrikapitalizza jew biex tagħti self lil istituzzjoni ta’ kreditu li tfalli fl-Istat Membru tagħha. Għaldaqstant, il-BĊE jilqa’ l-limitazzjonijiet imdaħħlin mill-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, inkluża r-restrizzjoni li l-fondi mislufa jistgħu jintużaw biss għall-pagament ta’ pretensjonijiet tad-depożitanti (28). Il-BĊE jifhem illi fil-fażi preżenti tad-diskussjoni leġiżlattiva dwar il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva, l-arranġamenti ta' self bejn SGD ikunu fuq bażi volontarja. Aktar elementi li għandhom ikunu kkunsidrati fir-regolamentazzjoni ta’ din il-kwistjoni jinkludu: (i) il-prerekwiżiti minimi għall-attivazzjoni tal-arranġamenti ta self relatati mal-eżawriment tas-sorsi ta’ finanzjament mis-SGD li qed jissellfu; u (ii) il-kundizzjonijiet li taħthom is-self jista’ jiġi estiż, inklużi s-salvagwardji tar-rikumpens għas-SGD li qed tislef. Fl-istess waqt, jekk l-SGD għandhiex tuża l-fondi tagħha għal finijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi, barra mill-konfini dojoq tar-rimborż tad-depożitanti,, huwa suġġett għal dibattitu usa’. (29) Il-BĊE jikkunsidra li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mix-xogħol leġiżlattiv mibdi mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta’ kriżijiet.

9.3.

Bħala t-tielet pass, l-SGD għandha jkollha arranġamenti għal finanzjament alternattiv fis-seħħ bħala l-aħħar miżura. Madankollu, il-BĊE jinnota illi sa fejn huwa kkonċernat l-involviment potenzjali ta’ bank ċentrali, l-arranġamenti għall-finanzjament għal SGD għandhom ikunu konformi mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju stabbilita fit-Trattat, u b’mod partikolari mal-projbizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali li jipprovdu faċilitajiet ta’ self kurrenti jew kull tip ta’ faċilità ta’ kreditu oħra skont it-tifsira tal-Artikolu 123 tat-Trattat, kif definita aktar permezz ta’ leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni u l-gwida stabbilita tal-BĊE (30).

10.

Il-BĊE jifhem illi qed jiġi kkunsidrat jekk il-proposta oriġinali li jiġu imposti limiti fir-rigward tal-ammont akkumulat ta’ depożiti u investimenti ta’ SGD relatat ma’ korp wieħed (31) tistax tiġi rtirata. Il-BĊE jikkunsidra li kwalunkwe limiti potenzjali tal-investiment iridu jiġu vvalutati, inter alia, fil-kuntest tal-impatt illi jistgħu jkollhom fuq swieq għall-istrumenti tal-klassijiet tal-assi speċifiċi. F’dan ir-rigward, kunsiderazzjonijiet speċifiċi jistgħu japplikaw f’dak li jirrigwarda investimenti tas-SGD fi strumenti maħruġin minn entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri.

11.

Finalment, il-BĊE jappoġġja minn perspettiva ta’ integrazzjoni finanzjarja d-dispożizzjoni tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva li taħtha istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jibqgħux membru ta’ skema u jingħaqdu ma’ skema oħra għandhom ikollhom l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-aħħar sitt xhur irrimborżati jew ittrasferiti lill-iskema l-ġdida (32). Din id-dispożizzjoni tista’ tiffaċilita r-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu transkonfinali. Madankollu, sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż potenzjali, l-arranġament għandu jkun limitat għat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet imħallsin lill-iskema l-ġdida (bl-esklużjoni tal-possibbiltà tar-rimborż) u m’għandux jinkludi kontribuzzjonijiet straordinarji mħallsin sabiex ikopru r-riżorsi insuffiċjenti tal-SGD oriġinali (33).

Superviżjoni

12.

Il-BĊE jilqa’ l-fatt illi s-superviżjoni ta’ SGDi minn Stati Membri ser titqawwa permezz ta’ stress tests u li dawn ser ikunu suġġetti għal analiżi esperti li jsiru mill-ABE u mill-Forum Ewropew tal-Assiguraturi tad-Depożiti (34). Il-fatt illi l-ABE ser tirċievi informazzjoni mill-SGDi u l-awtoritajiet kompetenti, speċjalment fir-rigward tal-finanzjament ta’ SGDi u self transkonfinali bejn SGDi, jista’ jgħin biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi u jindirizza ftit mit-tħassib diskuss aktar ’il fuq b’rabta ma’ tali arranġamenti ta’ self transkonfinali.

Proposti għall-abbozzar

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi l-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva tiġi emendata, qed jiġu stabbiliti għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 368 finali.

(2)  KUMM(2010) 371 finali.

(3)  Opinjoni tal-BĊE CON/2008/70 dwar emendi lid-Direttiva dwar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u d-dewmien tal-ħlas (ĠU C 314, 9.12.2008, p. 1).

(4)  ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5. Il-proposti ta’ emendar, li dwarhom saru kummenti f’Opinjoni CON/2008/70 ġew adottati bħala Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimborż (ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3).

(5)  Ara “The Eurosystem’s stance on the Commission’s consultation document on the review of Directive 94/19/EC on deposit-guarantee schemes”, Awwissu 2009 (minn hawn ’il quddiem ‘il-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009’), disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(6)  Ara pġ. 4 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(7)  Ara pġ. 12 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(8)  Ara pġ. 7 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(9)  Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill “Reviżjoni tad-Direttiva 94/19/KE dwar Skemi ta’ Garanzija għal (tad-)Depożiti” tat-12.7.2010, KUMM(2010) 369 finali, pġ. 4.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ċentrali Ewropew, ‘Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet fis-Settur Finanzjarju’ tal-20.10.2010, KUMM(2010) 579 finali (minn hawn “il quddiem il-‘Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-kriżijiet”), Taqsima 5.2, pġ. 15; ara ukoll l-aħħar sentenza ta' premessa 22 dwar il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u Taqsima 7.4, pġ. 8 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(11)  ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22

(12)  Ara l-Artikolu 3(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(13)  Ara BCBS, “Core Principles for Effective Deposit Insurance Systems. A proposed methodology for compliance assessment”, dokument konsultattiv tal-25 ta’ Novembru 2010, maħruġ għall-kummenti sat-8 ta’ Diċembru 2010 (minn hawn ’il quddiem, id-“Dokument Konsultattiv tal-BCBS”, pġ. 15 (“Principle 8 — Compulsory membership”), disponibbli fil-websajt tal-BCBS fuq http://www.bis.org

(14)  Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1), u Artikolu 2(1)(h) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva; ara wkoll Taqsima 7.4, pġ. 7 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva; ara wkoll premessa 16 tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva u Taqsima 7.5, pġ. 8 tal-memorandum spjegattiv tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(15)  Ara l-emenda 2 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(16)  Ara l-punti 3 u 4 ta’ Anness 1 għal Direttiva 94/19/KE.

(17)  Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(18)  Ara l-Artikolu 10 ta’ Direttiva 94/19/KE, kif emendata mill-Artikolu 1(6)(a) flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/14/KE.

(19)  Ara l-emenda 3 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(20)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 14.

(21)  Ara l-emenda 1 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(22)  Artikolu 2(1)(ċ) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(23)  Ara l-Artikolu 11 u l-Annessi I u II tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(24)  Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (Ġunju 2009), “Possible Models for risk-based contributions to EU Deposit Guarantee Schemes”.

(25)  Ara l-emenda 4 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(26)  Ara l-Artikolu 9(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(27)  Ara l-Artikolu 10(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(28)  Ara l-Artikolu 10(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(29)  Ara d-Dokunment Konsultattiv tal-BCBS, pġ. 33.

(30)  Ara pġ. 11 tal-kontribuzzjoni tal-Eurosistema tal-2009.

(31)  Artikolu 9(2) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(32)  Ara l-Artikolu 12(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

(33)  Ara l-emenda 5 proposta fl-Anness għal din l-Opinjoni.

(34)  Ara l-Artikolu 3(6) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emendi proposti mill-BĊE għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (riformulazzjoni)

Emenda 1

Artikolu 2(1)(h) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“(h)

‘livell fil-mira’ tfisser 1,5 % tad-depożiti eleġibbli għal kopertura li tkun responsabbli għalihom Skema ta' Garanzija tad-Depożiti;”

“(h)

‘livell fil-mira’ tfisser 1,5 % tad-depożiti koperti li l-kopertura tagħhom tkun responsabbli għaliha Skema ta' Garanzija tad-Depożiti;”

Spjegazzjoni

Il-livell ta’ finanzjament ex ante għandu jkun iddefinit b’referenza għal “depożiti koperti”, jiġifieri depożiti eliġibbli li ma jeċċedux il-livell ta’ kopertura, billi d-depożiti koperti jirriflettu l-livell ta’ obbligazzjonijiet tas-SGD b’mod aktar preċiż mid-depożiti eliġibbli.

Emenda 2

Artikolu 4(1)(j) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“(j)

depożiti mill-awtoritajiet,”

“(j)

depożiti mill-awtoritajiet tal-gvern u tal-amministrazzjoni ċentrali, u awtoritajiet provinċjali, reġjonali, lokali u muniċipali,”

Spjegazzjoni

L-esklużjoni tad-depożiti ta’ awtoritajiet pubbliċi għandha tkun ifformulata billi jintuża l-lingwaġġ aktar preċiż, oriġinarjament użat f’dan ir-rigward fid-Direttiva 94/19/KE.

Emenda 3

Artikolu 7(1) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“1.   L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu lura depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien 7 ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(i) jew li fiha awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(ii).”

“1.   L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu lura depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(i) jew li fiha awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(e)(ii).

Sa [l-1 ta’ April 2012], il-Kummissjoni għandha tissotometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport, ibbażat fuq konsultazzjoni: (a) li tirrevedi l-implimentazzjoni tat-tnaqqis fil-perjodu tar-rikumpens għal 20 jum ta’ xogħol; u (b) abbażi tar-riżultati ta’ tali reviżjoni, tevalwa l-fattibilità ta’ kwalunkwe tnaqqis addizzjonali jew tnaqqis fil-perjodu tar-rikumpens.

Spjegazzjoni

Il-kisba tat-tnaqqis propost għal 7 ijiem jista’ jkun diffiċli peress illi għandu jiddaħħal ftit wara t-tnaqqis oriġinali għal 20 jum ta’ xogħol, li għalih l-iskadenza għall-implimentazzjoni kienet it-tmiem tal-2010. Il-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva għandha tipprevedi illi l-Kummissjoni tanalizza l-implimentazzjoni tat-tnaqqis oriġinali għal 20 jum ta’ xogħol u tipproponi l-perjodu ta’ żmien għat-tnaqqis addizzjonali jew it-tnaqqis fil-perjodu ta’ rikumpens, abbażi tar-riżultati ta’ tali analiżi.

Emenda 4

Artikolu 11(3) sa (5) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti msemmija fl-Artikolu 1(2).

4.   Sabiex ikunu żgurati elementi speċifiċi tad-definizzjonijiet u l-metodi skont l-Anness II Parti A, qed jiġu ddelegati setgħat lill-Kummissjoni. Dawn l-abbozzi ta’ standards regolatorji għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 7 sa 7d ta’ [ir-Regolament ABE]. L-Awtorità Bankarja Ewropea tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji biex tissottomettihom lill-Kummissjoni.

5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Anness II Parti B skont [l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-ABE].”

“3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għall-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti msemmija fl-Artikolu 1(3).

4.   Setgħat qed jiġu ddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards regolatorji tekniċi li jispeċifikaw id-definizzjonijiet u l-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi ewlenin tar-riskju skont l-Anness II Parti A, . Dawn l-istandards regolatorji tekniċi għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

B’mod partikolari l-Kummissjoni għandha tikkunsidra illi l-metodi tal-kalkolu għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju għandhom ikunu bbażati fuq dejta empirika vverifikata u għandhom jippromwovu t-trattament ugwali.

5.   Sal-[31 ta’ Diċembru 2011], l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) għandha toħroġ linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-indikaturi supplimentari tar-riskju taħt l-Anness II Parti B skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

Spjegazzjoni

Il-metodu tal-kalkolu propost għall-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju lil SGD huwa s-suġġett ta’ dibattitu. L-assenjazzjoni lill-ABE tal-iżvilupp ta’ linji gwida u standards tekniċi f’dan ir-rigward għandu jippermetti li jiġi elaborat metodu adegwat, ibbażat fuq dejta teknika vverifikata, filwaqt li jippromwovi t-trattament ugwali.

Emenda 5

Artikolu 12(3) tal-proposta għar-riformulazzjoni tad-direttiva.

“3.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ skema u tingħaqad ma’ skema oħra, il-kontribuzzjonijiet imħallsin matul is-6 xhur li jippreċedu l-irtirar tas-sħubija għandhom ikunu rimborżati jew ittrasferiti lill-iskema l-oħra. Dan m’għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn skema skont l-Artikolu 3(3).”

“3.   Jekk istituzzjoni ta’ kreditu ma tibqax membru ta’ skema u tingħaqad ma’ skema oħra, il-kontribuzzjonijiet, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe kontribuzzjonijiet straordinarji msemmijin fl-Artikolu 9(3), li kienu mħallsin matul is-6 xhur li jippreċedu l-irtirar tas-sħubija għandhom ikunu ttrasferiti lill-iskema l-oħra. Dan m’għandux japplika jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet eskluża minn skema skont l-Artikolu 3(3).”

Spjegazzjoni

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe abbuż potenzjali, it-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet lil skema ġdida m’għandux jirrigwarda kontribuzzjonijiet straordinarji mħallsin sabiex ikopru r-riżorsi insuffiċjenti tal-SGD oriġinali, filwaqt li r-rimborż tal-kontribuzzjonijiet imħallsin għandu jiġi eskluż.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/8


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-30 ta’ Marzu 2011

2011/C 99/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4090

JPY

Yen Ġappuniż

117,01

DKK

Krona Daniża

7,4573

GBP

Lira Sterlina

0,87890

SEK

Krona Żvediża

8,9185

CHF

Frank Żvizzeru

1,2993

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,8675

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,528

HUF

Forint Ungeriż

267,10

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7093

PLN

Zloty Pollakk

3,9880

RON

Leu Rumen

4,1035

TRY

Lira Turka

2,1920

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3668

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3674

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,9696

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,8544

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7782

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 551,03

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,6264

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,2381

HRK

Kuna Kroata

7,3775

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 308,75

MYR

Ringgit Malażjan

4,2629

PHP

Peso Filippin

61,119

RUB

Rouble Russu

40,2462

THB

Baht Tajlandiż

42,720

BRL

Real Brażiljan

2,3128

MXN

Peso Messikan

16,7932

INR

Rupi Indjan

63,0560


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/9


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Dokument ta' gwida dwar l-applikazzjoni mhux obbligatorja tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE

2011/C 99/03

1.   INTRODUZZJONI

(1)

L-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1) jippermetti lill-Istati Membri li s-sistemi tal-elettriku tagħhom jissodisfaw ċerti kriterji biex jipprovdu allokazzjoni tranżizzjonali ta' kwoti gratis ta' emissjonijiet għall-installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. Il-kriterji huma relatati mal-ħtieġa li s-sistema tal-enerġija tiġi mmodernizzata, u l-Istati Membri li jiddeċiedu jużaw din l-alternattiva għandhom, b'mod parallel, jieħdu azzjoni li tkun immirata lejn is-sikurezza tal-investimenti fis-sistema tal-enerġija, bħal aġġornamenti tal-infrastruttura, teknoloġiji ġodda eċċ., ta' ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-allokazzjonijiet gratis tal-emissjonijiet korrispondenti.

(2)

Għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri li jissodisfaw il-kriterji mhumiex mitluba jużaw l-alternattiva, u jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux dan fid-dawl tad-dħul mill-irkant li se jkunu qed jitilfu billi jagħmlu hekk. Madankollu, dawk li japplikaw l-alternattiva għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE.

(3)

Huwa importanti li jkun hemm sistema armonizzata ta' skambjar tal-emissjonijiet għall-aqwa sfruttar tal-benefiċċji tal-iskambjar tal-emissjonijiet u sabiex ikunu evitati distorsjonjiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Fir-rigward ta' dan, id-Direttiva Nru 2003/87/KE tistabbilixxi l-irkant bħala l-prinċipju bażiku għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet, hekk kif inhi l-iktar waħda sistema sempliċi, u b'mod ġenerali hija meqjusa bħala l-iktar waħda ekonomikament effiċjenti. L-irkant jipprovdi wkoll kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku sabiex ikompli jiżviluppa.

(4)

Barra minn hekk, id-Direttiva Nru 2003/87/KE tistipula espliċitament li l-irkantar sħiħ għandu jkun ir-regola mill-2013 'il quddiem għas-settur tal-elettriku, meta wieħed iqis il-ħila tas-settur li jgħaddi l-kost tal-għażla ta' CO2 lill-konsumaturi bħala prezz tal-elettriku u għalhekk jiġġenera profitti addizzjonali (“profitti żejda”). L-irkant se jelimina dawn il-profitti żejda.

(5)

L-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE fih dispożizzjonijiet li jidderogaw minn għadd ta' prinċipji fundamentali tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, b'mod partikolari, l-approċċ armonizzat bis-sħiħ lejn l-allokazzjoni, l-introduzzjoni tal-irkant bħala metodu ta' allokazzjoni awtomatika u l-esklużjoni espliċita ta' allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku. Il-mira ta' dawn il-prinċipji u r-regoli hi li jkun żgurat l-ogħla grad possibli ta' effiċjenza ekonomika fl-iskema. Skont dan, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10c m'għandhiex taffettwa ħażin dawn ir-regoli ġenerali u l-għanijiet tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

(6)

F'dan l-isfond u meta wieħed iżomm f'moħħu t-tħassib ta' bosta Stati Membri fir-rigward tad-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni li joħorġu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni tqis li hu neċessarju li tingħata gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10c għar-raġunijiet li ġejjin:

Id-Direttiva titlob lill-Kummissjoni tivvaluta applikazzjonijiet individwali li jibagħtu l-Istati Membri li jixtiequ japplikaw l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. Billi wieħed jadotta dan id-dokument ta' gwida, il-Kummissjoni tistipula qafas trasparenti għall-valutazzjoni tagħha.

L-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jirrappreżenta eżenzjoni mill-prinċipji fundamentali tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. Għandu jkun żgurat li din l-eżenzjoni tiġi interpretata u applikata b'tali mod li ma taffettwax b'mod ħażin l-għanijiet kumplessivi li d-Direttiva tistipula.

Filwaqt li l-Artikolu 10c(3) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jitlob lill-Kummissjoni tagħti gwida “sabiex jiġi żgurat li l-metodoloġija tal-allokazzjoni tevita distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u kemm jista' jkun timminimizza l-impatti negattivi fuq l-inċentivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet” permezz ta' proċedura ta' komitoloġija, elementi oħra marbuta mal-metodoloġija ta' allokazzjoni, bħall-ammont massimu ta' kwoti gratis ta' emissjonijiet kif imfissra mill-Artikolu 10c(2), wkoll jeħtieġ li jkun hemm fehim komuni dwarhom.

L-ambitu tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jikkonċerna biss is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għal din ir-raġuni, hu neċessarju li jinkiseb ukoll fehim komuni fir-rigward ta' liema installazzjonijiet huma eliġibbli li jirċievu kwoti gratis ta' emissjonijiet skont din id-dispożizzjoni.

Għadd ta' termini tekniċi introdotti fl-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE (eżempju konsum nazzjonali gross finali, valur kummerċjali tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet) ma ġewx definiti f'dik id-Direttiva. Sabiex wieħed jiżgura li jkun hemm applikazzjonijiet konsistenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet bejn l-Istati Membri li jistgħu japplikaw l-Artikolu 10c, huwa neċessarju li jkun hemm gwida ċara.

Xi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jirriżultaw fi grad ta' diskrezzjoni għall-Istati Membri matul l-implimentazzjoni tagħhom. Dan, b'mod partikolari, japplika għall-pjan nazzjonali ta' kull Stat Membru u l-investimenti relatati ma' dan. Dispożizzjonijiet oħra jintroduċu elementi ġodda għad-Direttiva Nru 2003/87/KE li għandhom bżonn ikunu rikonċiljati mal-approċċ imsejjes fuq is-suq tal-iskema. L-implimentazzjoni tal-Artikolu 10c ma għandhiex tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, u lanqas ma timmina l-kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern tal-Unjoni.

2.   L-GĦADD MASSIMU TA' KWOTI TRANŻIZZJONALI ALLOKATI GRATIS FIL-LIVELL TA' STAT MEMBRU

2.1.   Determinazzjoni ta' għadd massimu

(7)

L-Artikolu 10c(2) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jiddetermina l-għadd massimu ta' allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet li jistgħu jiġu allokati lill-installazzjonijiet eliġibbli fi Stati Membri eliġibbli fl-2013. Skont din id-dispożizzjoni, dan l-għadd għandu jonqos fis-snin li ġejjin u jirriżulta f'allokazzjonijiet mhux gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet fl-2020.

(8)

Meta tiġi vvalutata applikazzjoni skont l-Artikolu 10c(6), il-Kummissjoni se tanalizza jekk l-għadd massimu ta' kwoti tal-emissjonijiet li huma disponibbli gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE fl-2013 fi Stat Membru partikolari jaqbiżx l-għadd li joħroġ mill-kalkolu stipulat fl-Anness I, li hu msejjes fuq l-Artikolu 10c(2).

2.2.   Tnaqqis gradwali ta' allokazzjonijiet gratis

(9)

L-Artikolu 10c(2) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jistipula b'mod ċar li “l-allokazzjoni tranżitorja [tranżizzjonali] totali ta' kwoti gratis … għandhom jonqsu gradwalment wara dan, sabiex ma jkunx hemm kwoti gratis fl-2020.” Għal din ir-raġuni, huwa mandatorju li jkun hemm mogħdija gradwali li tkun kredibbli u konvinċenti mill-punt tat-tluq ta' allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet fl-2013 sal-aħħar punt ta' allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet fl-2020.

(10)

Fid-dawl tal-mandat legali sabiex tispiċċa gradwalment l-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet minn livell massimu ta' 70 % għal 0 % f'perjodu ta' mhux iktar minn seba' snin, mogħdija gradwali li tkun kredibbli u konvinċenti lejn l-ebda allokazzjoni gratis ta' kwoti tal-emissjonijiet fl-2020 tinkludi xejra 'l isfel ċara li hi riflessa fil-passi interim bejn 70 % u 0 %.

(11)

Meta tivvaluta applikazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni se tanalizza jekk l-Istati Membri iwettqux tranżizzjoni gradwali li tkun kredibbli u konvinċenti għal irkantar bis-sħiħ. It-treġġigħ lura eċċessiv tat-tnaqqis jirriżulta f'għadd ogħla ta' kwoti gratis kumplessivi ta' emissjonijiet allokati matul il-perjodu kollu bejn l-2013 u l-2020, u konsegwentament ikollu l-effett li jikkawża distorsjoniijet ta' kompetizzjoni bla bżonn fis-suq tal-Unjoni. Dan mhuwiex kompatibbli mal-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom xi tip ta' diskrezzjoni biex ifasslu mogħdija xierqa ta' tnaqqis. Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni ta' tnaqqis gradwali tkun sodisfatta u li l-kompetizzjoni ma għandhiex tiġi distorta meta Stat Membru jkun pprovda għal mogħdija lineari ta' tnaqqis jew għal mogħdija ta' tnaqqis nonlineari li fiha t-tnaqqis tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis bejn kwalunkwe sentejn konsekuttivi fil-perjodu ta' bejn l-2013 u l-2020 ivarja b'mhux iktar minn 50 % mill-medja tat-tnaqqis annwali li hu neċessarju fis-snin li fadal sabiex tintlaħaq iċ-ċifra ta' 0 % fl-2020.

3.   STALLAZZJONIJIET ELIĠIBBLI

3.1.   Data ta’ skadenza

(12)

Sabiex ikunu eliġibbli u jibbenefikaw minn allokazzjoni gratis ta' allokazzjoni ta' emissjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku, l-installazzjonijiet kellhom jibdew joperaw mill-31 ta' Diċembru 2008. Fl-applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom juru li l-installazzjonijiet fit-territorju rispettiv tagħhom meqjusa bħala eliġibbli għal allokazzjoni tranżizzjonali gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jissodisfaw il-kundizzjonijiet billi jindikaw l-emissjonijiet verifikati ta' dawn l-installazzjonijiet għall-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2010 inkluż in-numru tal-permess u d-detentur tal-kont tal-installazzjoni kkonċernata, kif reġistrata fis-CITL. Din l-informazzjoni għandha sservi wkoll bħala prova li l-installazzjoni għadha attiva u sadanittant ma waqqfitx l-operat tagħha.

(13)

Min-naħa l-oħra, l-installazzjonijiet jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għal allokazzjoni tranżizzjonali gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jekk il-proċess ta' investiment rilevanti kien “inizjat fiżikament” sal-31 ta' Diċembru 2008.

(14)

Dan jimplika li d-deċiżjonijiet rilevanti għall-bini ta' impjant ġdid tal-elettriku kellhom jittieħdu mingħajr ma jiġu affettwati mill-prospett li jirċievu kwoti gratis tal-emissjonijiet għall-impjant il-ġdid.

(15)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, għandu jitqies proċess ta' investiment li ġie inizjat fiżikament mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008 jekk ikun jista' jintwera li d-deċiżjoni tal-investiment ma kinitx influwenzata mill-alternattiva li tintlaqa' allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu evidenza sostanzjata li:

Xogħol ta' kostruzzjoni fiżikament inbeda u kien viżibbli sal-31 ta' Diċembru 2008; jew li

ġie ffirmat kuntratt għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-elettriku in kwistjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2008 bejn investitur (normalment l-operatur tal-impjant) u kumpanija responsabbli mix-xogħol ta' kostruzzjoni.

Il-Kummissjoni tifhem li, f'dan il-kuntest, ix-xogħol ta' kostruzzjoni li fiżikament diġà nbeda jista' jinkludi wkoll xogħol preparatorju għall-kostruzzjoni tal-impjant inkwistjoni, imma dan dejjem għandu jsir abbażi ta' approvazzjoni espliċita, jekk ikun neċessarju, tal-awtorità nazzjonali rilevanti. L-Istati Membri għandhom jibagħtu dokument ta' awtorizzazzjoni rilevanti, li għandu jkollu status legali sostantiv maħruġ skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta' rekwiżit għal approvazzjoni espliċita għal xogħol preparatorju, evidenza oħra tista' tkun neċessarja sabiex jiġi stabbilit li x-xogħol ta' kostruzzjoni jkun diġà nbeda fiżikament.

Il-lista ta' hawn fuq ma għandhiex titqies eżawrjenti, minħabba li l-Istati Membri jista' jkollhom mezzi oħra sabiex jipprovdu evidenza permezz ta' dokumenti li t-teħid ta' ċerta deċiżjoni dwar l-investiment ma kienx influwenzat mill-alternattiva li wieħed jirċievi allokazzjoni gratis ta' kwoti tal-emissjonijiet.

(16)

Meta ssir valutazzjoni skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni se titlob evidenza ċara u sostanzjata li dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew ssodisfati. Fl-applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha rilevanti f'dan ir-rigward. Inkella, il-Kummissjoni se tirrifjuta l-lista ta' installazzjonijiet koperti mill-applikazzjoni.

3.2.   Stallazzjoniijiet għall-produzzjoni tal-elettriku

(17)

Skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom jallokaw gratis il-kwoti tal-emissjonijiet b'mod tranżizzjonali lill-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku. M'hemmx definizzjoni tal-frażi “stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku” fid-Direttiva Nru 2003/87/KE. Bħala eċċezzjoni mir-regola ġenerali tad-Direttiva Nru 2003/87/KE li l-ebda kwota tal-emissjonijiet ma għandha tiġi allokata gratis fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, il-frażi għandha tiġi interpretata b'tali mod li ma għandhiex taffettwa ħażin l-għanijiet tad-Direttiva.

(18)

Dan it-tip ta' approċċ hu appoġġat mill-fatt li jeħtieġ li jitnaqqsu l-impatti negattivi li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE milli jiġi affettwat is-settur industrijali tal-Istat Membru konċernat u s-suq madwar l-Unjoni.

(19)

B'ħarsa lejn definizzjoni tal-ambitu tat-terminu “stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku”, qed issir referenza għal “ġeneratur tal-elettriku” kif imfisser fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u kif inhu msemmi wkoll fl-Artikolu 10c(2) ta' din id-Direttiva. Skont dan il-kunċett, l-installazzjonijiet kollha li jipproduċu esklussivament l-elettriku jew installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku u s-sħana huma koperti (2). Madankollu, l-installazzjonijiet li jwettqu attività oħra elenkata fl-Anness I għad-Direttiva Nru 2003/87/KE flimkien mal-kombustjoni tal-fjuwils, jiġifieri l-produzzjoni tal-elettriku u/jew tas-sħana, mhumiex inklużi f'din id-definizzjoni.

(20)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni tqis bħala eliġibbli għal allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE:

(a)

Installazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala ġeneratur tal-elettriku skont l-Artikolu 3(u) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u,

(b)

fil-każ ta' installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku u s-sħana, qed jitqiesu biss l-installazzjoniijiet li għalihom l-emissjonijiet rilevanti jistgħu jiġu attribwiti għall-produzzjoni tal-elettriku.

(21)

Fil-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni se tivverifika jekk tkunx ingħatat l-evidenza li hi neċessarja biex tiżgura l-konformità mal-kriterji msemmija hawn fuq.

(22)

Sabiex ikunu determinati emissjonijiet li jistgħu jkunu attribwiti għall-elettriku għall-installazzjonijiet li jipproduċu kemm elettriku u kemm sħana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw kompatibbiltà mal-miżuri ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 10a, u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u għandhom jagħmlu referenza għall-metodoloġija tal-allokazzjoni skont l-Artikolu 10c(3) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

4.   REKWIŻITI GĦALL-PJAN NAZZJONALI

4.1.   Prinċipji għall-Pjan Nazzjonali

(23)

Skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jibagħtu pjan nazzjonali għall-investimenti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pjan nazzjonali għandu jkun imsejjes fuq għadd ta' prinċipji komuni mfasslin b'tali mod li jiżguraw bl-aqwa mod possibbli implimentazzjoni ġusta u konsistenti tal-miri li joħorġu mid-Direttiva Nru 2003/87/KE b'mod ġenerali, u b'mod partikolari mill-Artikolu 10c.

Prinċpju 1: Il-pjan nazzjonali għandu jidentifika investimenti, li jikkontribwixxu b'mod dirett jew indirett (investimenti fin-netwerks u servizzi anċillari) biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'mod kost-effikaċi.

Prinċipju 2: L-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali għandhom ikunu mfasslin b'mod li fil-ġejjieni jeliminaw, safejn possibbli s-sitwazzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 10c(1), (a) (3) u (b) (4) u l-ewwel kundizzjoni fil-punt (c) (5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

Prinċipju 3: L-investimenti għandhom ikunu kompatibbli bejniethom u ma' leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni. Ma għandhomx jirrinforzaw il-pożizzjonijiet dominanti tagħhom u lanqas ma jgħawġu il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern u, fejn possibbli, isaħħu l-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku.

Prinċipju 4: L-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali għandhom jiżdiedu mal-investimenti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu sabiex ikunu konformi mal-miri l-oħra jew ir-rekwiżiti legali li joħorġu mil-liġi tal-Unjoni. Ma għandhomx jikkonċernaw ukoll l-investimenti, li jkunu meħtieġa jaqblu mal-provvista u d-domanda tal-elettriku li iktar ma tmur dejjem tiżdied.

Prinċipju 5: L-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali għandhom jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni, u jnaqqsu l-intensità tal-karbonju, tat-taħlita tal-elettriku u s-sorsi tal-provvista tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku.

Prinċipju 6: L-investimenti għandhom ikunu ekonomikament vijabbli fin-nuqqas tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, ladarba tispiċċa l-allokazzjoni tranżizzjonali ta' dawn il-kwoti, bl-eċċezzjoni tat-teknoloġiji speċifiċi definiti minn qabel li joħorġu u li jkunu għadhom fl-istadju ta' demostrazzjoni u elenkati fl-Anness III.

(24)

L-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali għandhom, safejn possibbli, jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji. Meta l-konformità mal-prinċipji kollha ma tkunx tista' tiġi żgurata għal ċertu investiment, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti raġunijiet dettaljati li jkunu wasslu għal dan. Fi kwalunkwe każ, dawn l-investimenti ma għandhomx ikunu kontra dawn il-prinċipji jew inkella jdgħajfu l-miri tagħhom. Bl-istess mod, l-investimenti ma jistgħux inaqqsu l-importanza tal-miri stipulati fit-Trattati jew f'leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni.

(25)

Meta tivvaluta l-applikazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni se tanalizza safejn hu possibbli l-investimenti identifikati li jikkonformaw ma' dawn il-prinċipji. Jekk l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE ma tkunx biżżejjed dettaljata sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq valutazzjoni komprensiva li tippermetti konklużjoni msejsa sew, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali. Jekk din l-informazzjoni addizzjonali ma tistax tingħata fil-ħin, il-Kummissjoni tirrifjuta l-partijiet korrispondenti tal-pjan nazzjonali. Il-Kummissjoni tista' tqis ukoll informazzjoni u opinjonijiet minn sorsi oħra sabiex ittejjeb il-valutazzjoni tal-applikazzjoni.

(26)

Abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (6), l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk hijiex tintalab valutazzjoni ambjentali tal-pjan nazzjonali.

(27)

Il-Kummissjoni se tkompli tinnota li l-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-ġeneraturi tal-elettriku u l-finanzjament tal-investimenti korrispondenti mitluba mill-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE se jinvolvu prinċiparjament l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jinvolvu l-għajnuna mill-Istat. Wara n-notifika, l-Istati Membri jistgħu ma jdaħħlux miżuri proposti fis-seħħ sakemm din il-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali mill-Kummissjoni. Fil-ġejjieni qrib, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta kriterji ta' kompatibbiltà għall-valutazzjoni ta' din it-tip ta' għajnuna. Applikazzjoni skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, u xi deċiżjoni konsegwenti mill-Kummissjoni, hija kollha kemm hi mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' notifika dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Istati Membri skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, u l-Istati Membri għandhom iħejju għal kwalunkwe notifika dwar l-għajnuna mill-Istat kif xieraq. Meta ssir il-valutazzjoni tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti u tal-pjanijiet nazzjonali skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tiżgura li tal-aħħar ma twassalx għal distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni, filwaqt li titqies il-mira tal-interess komuni stipulat fl-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. B'mod partikolari, meta l-pjan nazzjonali jibbaża l-għajnuna fuq għadd limitat ta' benefiċjarji jew meta l-għajnuna għandha mnejn tirrinforza l-pożizzjoni fis-suq tal-benefiċjarji, l-Istati Membri għandhom juru li l-għajnuna mhux se tgħawweġ il-kompetizzjoni lil hinn minn dak li hu strettament neċessarju fid-dawl tal-miri kumplessivi ta' din id-Direttiva.

4.2.   Investimenti eliġibbli

(28)

Fid-dawl tat-titlu u l-kuntest kumplessiv tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-investimenti eliġibbli li jinsabu taħt din id-dispożizzjoni jikkonċernaw is-settur tal-elettriku u għandhom jitwettqu mill-25 ta' Ġunju 2009 lil hinn. Madankollu, għall-prinċipju, l-investimenti f'setturi oħra tal-enerġija mhumiex esklużi, dejjem jekk jibbenefikaw minn ġustifikazzjoni b'saħħitha abbażi tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

(29)

L-Istati Membri jinsabu f'pożizzjoni tajba li jiddeċiedu liema investimenti jikkontribwixxu bl-aqwa mod għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u li huma responsabbli għall-identifikazzjoni tal-investimenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva. Għandhom jikkoordinaw ukoll ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti li jsiru skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE fil-livell nazzjonali (7).

(30)

Fil-pjanijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiffissaw lista ta' installazzjonijiet li jwettqu l-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali u jispeċifikaw il-lista ta' investimenti skedati li għandhom joħorġu mill-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet. Għandhom jispeċifikaw ukoll sa liema punt se jiġu ffinanzjati mid-dħul tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet u f'liema sena se jdur iċ-ċiklu tal-investiment.

(31)

L-investimenti ffinanzjati mid-dħul tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jistgħu jkunu supplimentari għall-investimenti li huma parzjalment iffinanzjati minn sorsi oħra tal-Unjoni (eż. fondi li jsiru disponbbli mir-riżerva tal-entrati l-ġodda skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-fondi reġjonali, in-Netwerk TEN-E, il-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru, il-Pjan SET, eċċ) jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati f'dan id-dokument u jekk ikunu kompatibbli ma' dawk l-istrumenti jew is-sorsi. F'dawn il-każijiet, madankollu, il-parti biss tal-investiment li tibbenefika mill-fondi li jakkumulaw minn allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE hija rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 10c tad-Direttiva dejjem jekk ikunu mħarsa r-regoli tal-Unjoni dwar il-limiti ġenerali tal-finanzjament.

(32)

Fl-Anness IV tingħata kjarifika oħra fir-rigward tat-tifsira min-naħa tal-Kummissjoni tat-termini “infrastruttura”, “teknoloġiji nodfa”, “diversifikazzjoni tat-taħlita ta' enerġija u sorsi ta' forniment”, użati fl-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

(33)

Fl-Anness V hemm lista mhux eżawrjenti ta' tipi ta' investimenti eliġibbli skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

4.3.   Valur kummeċjali

(34)

Skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-ammont ta' investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali għandu jkun ekwivalenti, safejn hu possibbli, għall-valur kummeċjali tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet. Il-valur kummeċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet għandu jintuża bħala punt ta' referenza għall-Istati Membri li huma eliġibbli li jiddeterminaw, fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom, l-ammont li għandu jiġi investit fil-livell nazzjonali.

(35)

Minħabba li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu figura preċiża tal-ammont li biħsiebhom jinvestu skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE fil-pjanijiet nazzjonali, il-valur kummeċjali ta' xi kwoti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu allokati gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE għandu jkun determinat minn qabel u ma jistax jiġi aġġustat wara (8).

(36)

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-valur kummeċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis għandu joħroġ mit-tbassir imsejjes fuq il-mudelli tal-prezzijiet tal-karbonju fl-Ewropa kif stipulat fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni 2010 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2010) 265 finali (9). Id-dokument imsemmi qabel jipprovvdi tbassir aġġornat li jqis ċirkostanzi ġodda fl-Unjoni.

(37)

Skont dan, il-valuri annwali, kif stipulati fl-Anness VI u li jqis il-leġiżlazzjoni attwali u l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għandhom jintużaw bħala referenza mill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-valur kummerċjali annwali tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet applikati fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Fid-dawl tar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jużaw valuri ogħla sabiex jiddeterminaw l-ammont li għandhom jinvestu: il-figuri mogħtija fl-Anness VI jirrappreżentaw biss livell minimu li għandu japplika.

(38)

Ħlief jekk Stat Membru jista' jistabbilixxi li dan se jkun oġġettivament impossibbli, il-valur tal-investimenti kif hemm fil-qafas tal-Artikolu 10c tad-Direttiva fi Stat Membru partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur kummeċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis meta tapplika d-Direttiva. F'applikazzjonijiet skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-evidenza neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

4.4.   Mekkaniżmu li jiżgura l-bilanċ bejn l-ammont tal-investimenti u l-kwoti gratis tal-emissjonijiet

(39)

Id-Direttiva Nru 2003/87/KE tagħraf b'mod espliċitu l-fatt li l-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet tista' tirriżulta fi profitti mhux mistennija, b'mod partikolari meta l-operaturi jistgħu jwasslu l-valur finanzjarju tal-kwoti tal-emissjonijiet għand il-konsumaturi tagħhom. Dan hu l-każ għall-produtturi tal-elettriku u jirrappreżenta waħda mir-raġunijiet li tat lok biex id-Direttiva Nru 2003/87/KE tagħti l-possibbiltà biex l-irkant jitqies bħala regola awtomatika ta' allokazzjoni, maħsuba “biex telimina l-profitti mhux mistennija” (10).

(40)

B'deroga mill-prinċipju tal-irkant bħala metodu awtomatiku ta' allokazzjoni, l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jipprovdi għal allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet lill-ġeneraturi tal-elettriku, li twassal għal aċċettazzjoni taċita ta' kif wieħed iħares lejn il-profitti mhux mistennija. Madankollu, l-Artikolu 10c ta' din id-Direttiva jimmira b'mod ċar lejn il-profitti li għandhom jintużaw għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Istat Membru kkonċernat.

(41)

Miżura tal-liġi tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-objettivi tagħha. Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u fid-dawl tal-objettiv fundamentali tagħha, wieħed jista' jikkonkludi li l-profitti mhux mistennija li jakkumulaw lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn allokazzjoni gratis ta' kwoti ta' emissjonijiet għandhom jintużaw għall-modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Istat Membru kkonċernat. Fl-istess waqt, l-aqwa użu tal-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis iwassal għall-fatt li l-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis mhumiex użati biex jiġu ffinanzjati l-investimenti li l-kumpaniji konċernati jistgħu jkunu wettqu, sabiex ikunu konformi ma' objettivi u rekwiżiti legali oħra li joħorġu mil-liġi tal-Unjoni. Inkella, dawn ikunu magħmula biss minn profitti oħra, li d-Direttiva Nru 2003/87/KE trid telimina u għalhekk din is-sitwazzjoni konsegwentament tmur kontra l-objettivi tad-Direttiva. Barra minn hekk, din tista' tikkawża distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva.

(42)

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-riċevitur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE ikun jeħtieġ juża l-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis billi jagħmel investiment li jkun identifikat fil-pjan nazzjonali skont l-Artikolu 10c(1). Meta l-kumpaniji jirċievu kwoti ta' emissjonijiet allokati gratis mingħajr ma jsir dan l-investiment jew meta jirċievu kwoti ta' emissjonijiet gratis iktar mill-ammont neċessarju biex isir(u) l-investiment(i) rilevanti identifikat(i) fil-pjan nazzjonali, ikunu meħtieġa jipprovdu l-valur tal-kwoti żejda lill-entità rilevanti li tagħmel l-investiment.

(43)

Minħabba li l-pjan nazzjonali mfassal sabiex jimmodernizza l-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Istat Membru konċernat jista' jkun fih investimenti li jsiru minn kumpaniji li mhumiex soġġetti għal konformità mal-iskema tal-Unjoni (11), mhux il-kumpaniji kollha li għandhom il-ħsieb li jagħmlu investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali ser/jistgħu jirċievu kwoti allokati gratis. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10c(1) u 10c(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, l-operaturi tat-trażmissjoni jew tas-sistemi tad-distribuzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) u (6) tad-Direttiva Nru 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda (tħassar) id-Direttiva 2003/54/KE (12) jirrappreżentaw l-operaturi tan-netwerk skont it-tifsira tal-Artikolu 10c(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. Dawn il-kumpaniji jistgħu ma jkunux involuti b'mod ġenerali fil-ġenerazzjoni jew fil-forniment tal-elettriku. Għalhekk ma jistgħux jirċievu kwoti, imma madankollu jeħtieġu jagħmlu l-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali.

(44)

Skont il-prinċipju 3 tal-prinċipji għall-pjan nazzjonali u skont il-paragrafu 27 ta' dan id-dokument ta' gwida, meta l-investimenti fil-ġenerazzjoni jew fil-forniment tal-elettriku, li kienu ġew identifikati fil-pjan nazzjonali skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, iwasslu għal distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni jew inkella jheddu li jirrinforzaw il-pożizzjoni dominanti, l-Istati Membri jistgħu jinsistu mal-benefiċjarji li jitolbu kwoti gratis sabiex jagħtu fondi għall-investimenti fis-sistemi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, jew għall-ġenerazzjoni jew il-forniment tal-elettriku li ma jwasslux għal distorsjoni bħal din.

(45)

Jista' wkoll ma jkunx eskluż li jkunu ġew allokati lill-kumpaniji għadd ta' kwoti gratis ta' emissjonijiet ta' valur inqas minn dak li jintalab biex ikun kopert investiment identifikat fil-pjan nazzjonali. F'din l-eventwalità, jista' jkun xieraq li dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jwettqu l-investiment identifikat fil-pjan nazzjonali.

(46)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, meta jkun neċessarju u xieraq, mekkaniżmu biex iqisu t-trasferiment rilevanti ta' fondi fil-każijiet imsemmijin fuq.

(47)

Dan il-mekkaniżmu għandu fi kwalunkwe każ iqis ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Il-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis fil-qafas tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE hu rifless mill-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali u għandu jitwettaq sabiex ikun jista' jitqabbel l-ammont tal-investimenti mal-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis.

(b)

L-investimenti inklużi fil-pjan nazzjonali u li huma ffinanzjati permezz tal-mekkaniżmu għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat (13).

(ċ)

L-aġġustamenti annwali tal-fondi u l-investimenti inkluż il-fondi annwali jew l-investimenti li jiġu trasferiti minn sena għall-oħra għandhom jitħallew isiru sakemm l-ammont li għandu jiġi investit skont il-pjan nazzjonali ikun daqs jew iktar mill-valur totali tas-suq tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet matul il-perjodu kollu li l-Istat Membru jkun applika għal deroga skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE (ara wkoll it-Taqsima 2.2).

(48)

Meta l-Istati Membri jużaw id-dħul li jistgħu jakkwistaw mill-irkant (14) jew minn xi forma oħra ta' dħul tal-Istat, sabiex jiffinanzjaw l-investimenti elenkati fil-pjan nazzjonali jista' jwassal għal profitti mhux mistennija għall-ġeneraturi tal-enerġija li jirċievu l-kwoti gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. Fid-dawl tal-premessi 15 u 19, tad-Direttiva ta' emenda Nru 2009/29/KE kif ukoll l-Artikolu 10c(5)(e), u l-approċċ u l-objettivi ġenerali tad-Direttiva, li tipprovdi għall-irkant bħala l-metodu awtomatiku ta' allokazzjoni, il-Kummissjoni tirrifjuta kwalunkwe applikazzjoni li titressaq skont l-Artikolu 10c(5) li twassal għal dan it-tip ta' approċċ.

5.   KWOTI MHUX TRASFERIBBLI

(49)

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-alternattiva li jiġu allokati gratis kwoti skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jistgħu jiddeċiedu li dawn il-kwoti jistgħu jintużaw biss għaċ-ċediment mill-installazzjoni fis-sena li kienu allokati għaliha. Kumpanija li tirċievi kwoti li jkunu soġġetti għal kondizzjonalità bħal din ma jistgħux ibigħu dawn il-kwoti fis-suq, jittrasferixxuhom għal sena oħra jew jippermettu li dawn jiġu ċeduti minn installazzjoni oħra (anke saħansitra tal-istess kumpanija).

(50)

Stat Membru li jintroduċi kondizzjonalità bħal din ikun fir-riskju li jimplimenta l-Artikolu 10c b'tali mod li ma jkunx kompatibbli mal-objettivi u l-arkitettura tal-iskema tal-Unjoni, li hi mfassla biex tottjeni tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet f'manjiera kost-effikaċi u effiċjenti mil-lat ekonomiku. Il-liġi ma tippermettix li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva Nru 2003/87/KE b'tali mod li jmur kontra l-objettivi fundamentali tagħha.

(51)

Kwoti mhux transferibbli jeliminaw inċentivi biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jkunu disponibbli għad-detentur tal-kwoti mhux transferibbli li huma fattibbli b'kostijiet li jammontaw għal inqas mill-prezz attwali tal-kwoti tal-emissjonijiet. Min-naħa tad-detentur tal-kwoti mhux transferibbli, il-fatt li jittieħdu dawn il-miżuri għat-tnaqqis dejjem jidher li jqum iktar milli kieku l-emissjonijiet ikunu koperti bi kwoti mhux transferibbli.

(52)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tirrakkomanda bis-sħiħ li l-Istati Membri ma jużawx l-alternattiva li jiġu allokati emissjonijiet li mhumiex transferibbli. Madankollu, fejn l-Istati Membri xorta waħda jikkunsidraw din l-alternattiva bħala waħda neċessarja, għandhom juru li din l-alternattiva hija użata biss minħabba li hi neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv warajha li hu rifless fl-Artikolu 10c u li ma jistax jintlaħaq b'mod iktar effikaċi permezz ta' mezzi oħra. Ir-raġunijiet tal-Istati Membri għandhom iqisu l-inċentivi maħluqa fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u ż-żieda potenzjali tal-kostijiet ta' konformità tal-ETS li jirriżultaw mill-għażla li ssir biex uħud mill-kwoti isiru mhux transferibbli.

(53)

Fid-dawl ta' u mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hi tal-fehma li għall-anqas, il-biċċa l-kbira tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva għandhom ikunu transferibbli. Tirrakkomanda li għandha ssir limitazzjoni tal-għadd ta' kwalunkwe kwoti li ma jistgħux jiġu trasferibbli lil xi ħadd li ma jaqbiżx l-emissjonijiet totali li jakkumulaw mill-provvista tal-elettriku lis-setturi li ma jirriskjawx li jintroduċu distorsjonijiet tal-kompetizzjonijiet fis-settur industrijali tal-Istat Membru kkonċertat jew tal-Unjoni (eż dan jista' jkun il-każ fis-settur tad-djar). Barra minn hekk, l-Artikolu 10c(5)(e) u 10c(6), il-Kummissjoni se jkollha tirrifjuta l-applikazzjoni li tista' toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(54)

Meta tiġi vvalutata applikazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 10c(5), il-Kummissjoni teżamina jekk fid-dawl tal-objettivi tad-Direttiva Nru 2003/87/KE b'mod ġenerali, u l-objettiv speċifiku tal-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE b'mod partikolari l-għadd ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet li jkunu saru mhux transferibbli huwiex ġustifikat, jiġifieri jekk hux neċessarju u proporzjonat, u wkoll jekk dan joħloqx distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tirrifjuta l-applikazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 10c(5) jekk issib li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx ssodisfati.

6.   IL-MONITORAĠĠ U L-INFURZAR

6.1.   Valutazzjoni tal-applikazzjoni

(55)

Skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni filwaqt li tqis l-elementi kollha rilevanti inkluż dawk elenkati fl-Artikolu 10c(5). Tqis ukoll l-obbligi li joħorġu mit-Trattati u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Sabiex ikun żgurat proċess ta' valutazzjoni effiċjenti, l-applikazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-mudell mogħti fl-Anness VII ta' dan id-dokument. Il-Kummissjoni tinizja l-valutazzjoni tal-applikazzjoni biss ladarba titressaq l-informazzjoni kollha rilevanti inkluż l-evidenza neċessarja li tappoġġa din l-informazzjoni.

(56)

L-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE ġie introdott sabiex jagħti lok għall-modernizzar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Istati Membri eliġibbli. Għal din ir-raġuni, l-artikolu jipprovdi għal eċċezzjoni minn prinċipju essenzjali tad-Direttiva. Skont il-każistika prevelanti, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata u applikata b'mod ristrett għal dak li hu neċessarju biex jinkiseb l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 10c, mingħajr ma jitqiegħdu fil-periklu l-objettivi kumplessivi tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

(57)

Fir-rigward tal-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis, u r-relazzjoni tagħhom mal-ammont tal-investimenti mitlub fl-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, hu importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis iwasslu sabiex il-kumpaniji jakkumulaw profitti mhux mistennija, jekk il-valur ta' dawn il-kwoti tal-emissjonijiet ma jkunux intużaw għall-investimenti jew jekk il-valur ta' dawn il-kwoti tal-emissjonijiet jkunu ntużaw għall-investimenti li kellhom jitwettqu, sabiex jikkonformaw mal-objettivi l-oħra u r-rekwiżiti legali li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni. F'dan il-każ, mhux se jkun hemm kontribut korrispondenti sabiex jintlaħaq l-objettiv li għalih tkun ġiet aċċettata allokazzjoni gratis ta' kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c.

(58)

Barra minn hekk, hu għaqli li wieħed iżomm f'moħħu li l-vantaġġi li joħorġu mill-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni li jkunu inkonsistenti mal-Artikolu 10c(5)(e) jekk ma jintużawx għall-finijiet li għalihom ikunu ġew allokati.

(59)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni b'mod partikolari se tagħmel enfasi fuq jekk il-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet mogħtija gratis lill-installazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE hux użat għall-investimenti mwettqa minn dawn l-installazzjonijiet, jew, meta dan ma jkunx il-każ, tivverifika l-valur tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet li jkun disponibbli għall-installazzjonijiet/operaturi jew għall-kumpaniji li ma jkunux irċevew biżżejjed kwoti tal-emissjonijiet biex ikopru l-investimenti rispettivi identifikati fil-pjan nazzjonali.

(60)

Għal raġunijiet ta' trasparenza u sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni b'saħħitha tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw applikazzjoni qabel ma din titressaq lill-Kummissjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tqis l-informazzjoni u l-fehmiet minn sorsi oħra. Kwalnukwe applikazzjoni mressqa minn Stat Membru għandha titqies informazzjoni ambjentali u għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva Nru 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (15) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (16). L-Istati Membri se jintalbu jivverifikaw ukoll jekk hemmx il-ħtieġa li ssir valutazzjoni ambjentali tal-pjan nazzjonali tagħhom, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 2001/42/KE.

6.2.   Dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-infurzar skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva 2003/87/KE

(61)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw dispożizzjonijiet ċari u effikaċi dwar il-monitroaġġ u l-infurzar fir-rigward tal-investimenti spekulati fil-pjan nazzjonali sabiex jiżguraw eżekuzzjoni xierqa tal-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali. Skont l-Artikolu 10c(5)(d) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stipulati b'mod dettaljat f'applikazzjoni għal allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet.

(62)

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jimmonitorjaw u jinfurzaw l-investimenti identifikati fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom. Meta ssir valutazzjoni ta' applikazzjoni tal-Istati Membri għal allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni se tagħti importanza partikolari lill-fatt jekk l-Istat Membru jipprovdix jew le dispożizzjonijiet ċari u effikaċi dwar il-monitoraġġ u l-infurzar għall-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali, inkluż mekkaniżmu li jimmonitorja mill-qrib u li jinforza b'mod effikaċi l-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu daħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma neċessarji sabiex l-investimenti ikunu soġġetti għal skrutinju mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti identifikati b'mod ċar fl-applikazzjoni.

(63)

L-elementi li ġejjin huma importanti f'dan ir-rigward:

Id-dispożizzjonijiet għandhom jiddefinixxu sensiela ta' indikaturi ta' konformità, eżempji ta' dawn jinsabu fl-Anness VIII. Għandhom jintużaw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jivvalutaw il-progress u l-kompatibbiltà tal-investimenti mar-rekwiżiti li jinsabu fid-Direttiva Nru 2003/87/KE u f'dan id-dokument ta' gwida.

Is-superviżjoni fuq il-post għandha tkun maħsuba sabiex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni tal-investimenti fis-sitwazzjoni reali. Dan għandu jinkludi verifiki fuq il-post u verifikazzjoni annwali indipendenti mill-awdituri esterni għal kull investiment. L-awdituri għandhom joħorġu dokument uffiċjali li jiċċertifika n-natura ta' kull investiment u l-ammont eżatt li jintefaq kull sena. Dawn id-dokumenti għandhom juru wkoll il-veraċità tal-ispejjeż mġarrba.

Id-dispożizzjonijiet għandhom jadottaw valutazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li ssir minn parti terza tal-investimenti sabiex tingħata evidenza sostanzjata u indipendenti li l-investimenti jikkonformaw mad-Direttiva Nru 2003/87/KE, dan id-dokument ta' gwida u l-pjan nazzjonali.

Meta l-kumpaniji ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom li jinvestu (jew li ma jikkontribwixxux għall-investimenti billi jittrasferixxu l-valur tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet li ma jkunux ġew investiti fil-mekkaniżmu sabiex ikun żgurat il-bilanċ bejn l-ammont ta' investimenti u l-kwoti gratis tal-emissjonijiet), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali u miżuri korrettivi bil-għan li jirkupraw il-bilanċ bejn il-valur tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u l-ammont tal-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jinkludu:

Obbligu li jerġgħu jitħallsu lura l-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis (ivvalutati skont il-valur kummeċjali meta jsir il-ħlas lura) sal-ammont tan-nuqqas ta' investiment osservat;

Il-qbid awtomatiku tal-kwoti mill-kumpaniji li ma jkunux konformi mal-obbligi tagħhom li joħorġu mill-pjan nazzjonali rispettiv u dan id-dokument ta' gwida inkluż il-konverżjoni mill-ġdid tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet fi kwoti biex jiġu rkantati mill-Istat Membru kkonċernat.

Penali finanzjarji dissważivi ta' natura punitiva;

Għandu jkun possibbli li jsir trasferiment ta' parti mill-investimenti maħsuba għal installazzjoni minn sena għall-oħra f'ammont ekwivalenti għan-nuqqas ta' investimenti osservat dik is-sena. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jiggarantixxi li l-ammont xieraq tal-fondi jiġi investit matul il-perjodu ta' applikazzjoni.

(64)

Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u ta' infurzar, flimkien mal-evidenza sostanzjata, għandhom jiġu rrappurtati kull sena fir-rapporti annwali li għandhom jitressqu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. B'mod partikolari, mar-rapporti għandhom jiġu annessi kopji tad-dokumenti taċ-ċertifikazzjoni tal-awditur estern (issiġġillati bit-timbru uffiċjali) kif ukoll traduzzjoni uffiċjali għall-Ingliż (jekk dawn ma jkunux diġà bl-Ingliż). L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu r-rapporti annwali tal-operaturi rilevanti pubbliċi.

6.3.   Rapporti annwali skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE

(65)

Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri dwar l-investimenti li jkunu saru biex tiġi mmodernizzata l-ġenerazzjoni tal-elettriku skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE għandhom jitressqu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, mill-2014 'il quddiem. Għandhom janalizzaw in-natura u l-ammont tal-investimenti li jkunu saru matul is-sena ta' qabel (17).

(66)

Ir-rapporti annwali għandhom jikkonfermaw b'evidenza sostanzjata li l-investimenti huma implimentati f'sitwazzjoni reali u jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva Nru 2003/87/KE u f'dan id-dokument ta' gwida, u b'mod partikolari, li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra.

(67)

Ir-rapporti jeħtieġu juru wkoll li l-ammont annwali investit hu koerenti mal-ammont totali ta' investimenti maħsuba għall-perjodu sħiħ ta' applikazzjoni, kif stipulat fil-pjan nazzjonali tal-Istati Membri f'referenza għall-valur kummeċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis definiti f'dan id-dokument ta' gwida. L-investimenti ma għandhomx għalfejn jaqblu mal-valur kummeċjali determinat tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis fuq bażi annwali. Madankollu, kwalunkwe diskrepanza bejn il-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis u l-ammont tal-investimenti għandhom ikunu rimedjati fis-sena ta' wara dik li fiha tkun inżammet mogħdija ta' investiment kredibbli matul il-perjodu ta' applikazzjoni, filwaqt li jitqies l-għadd dejjem nieżel ta' kwoti ta' emissjonijiet li jistgħu jiġu allokati gratis.

(68)

Skont l-Artikolu 10c(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, ir-rapporti annwali għandhom jiġu msejsa fuq ir-rapporti li jibagħtu l-operaturi kull 12-il xahar lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-investimenti tagħhom stipulati fil-pjan nazzjonali. Għandhom jistrieħu wkoll fuq sorsi supplimentari ta' informazzjoni, b'mod paritkolari dejta uffiċjali u dejta li tkun ivverifikata indipendentament. Sorsi ta' dejta u r-referenza tad-dokumenti ta' evidenza għandhom ikunu disponibbli fir-rapporti.

(69)

Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli b'mod trasparenti. Skont l-Artikolu 10c(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, ir-rapporti annwali tal-Istati Membri li jintbagħtu lill-Kummissjoni għandhom ikunu pubbliċi. Fi kwalunkwe każ, għandha titqies il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva.

(70)

Fil-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 10c(6) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, il-Kummissjoni teżamina l-korretezza tar-rapporti annwali abbażi tal-evidenza mogħtija. Tista' titlob iktar informazzjoni jekk ma titressaqx l-evidenza kollha rilevanti.

(71)

Meta Stat Membru ma jagħtix biżżejjed evidenza permezz tar-rapporti annwali tiegħu, li l-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali huma mwettqa skont l-iskeda u l-valur ta' allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet kif stipulat fil-pjan nazzjonali, u ħlief meta

l-Istat Membru kkonċernat jista' jippreżenta permezz tar-rapporti annwali tiegħu ġustifikazzjoni soda għat-tnaqqis tal-investimenti f'sena partikolari, jew

l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħti evidenza li l-miżuri korrettivi, kif stipulati fl-applikazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 10c(5) (d) ġew infurzati; jew

ir-rapport annwali tas-sena sussegwenti jipprovdi evidenza li t-tnaqqis tal-investimenti osservati fis-sena ta' qabel ġie rimedjat,

il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm ksur ta' kondizzjonalità stabbilita fl-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE fir-rigward tal-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet u l-investimenti skont l-Artikolu 10c(1). Minħabba li din il-kundizzjonalità hija kruċjali biex jinkisbu l-objettivi fundamentali tal-Artikolu 10c, tnaqqis ta' investiment jirriżulta f'akkwisti addizzjonali għall-kumpanija kkonċernata u ma jikkontribwixxix biex jinkisbu l-objettivi fundamentali tad-Direttiva Nru 2003/87/KE jew tal-Artikolu 10c b'mod partikolari. Konsegwentament, dan jista' jwassal għal applikazzjoni illegali tad-Direttiva Nru 2003/87/KE li tmur kontra l-objettivi fundamentali tagħha. Dan jista' jqajjem tħassib sinifikanti lill-Kummissjoni skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Jekk ikun neċessarju, il-Kummissjoni tista' tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE u/jew proċeduri ta' ksur. Proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE tista' tirriżulta fis-sospensjoni ta' allokazzjoni gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE ta' għadd ta' kwoti tal-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-ammont tat-tnaqqis fl-investiment. Jekk is-sitwazzjoni ma tiġix rimedjata, l-Istat Membru kkonċernat għandu ultimament jagħmel irkant tal-għadd korrispondenti tal-kwoti skont ir-Regolament adottat skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE.


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Huwa importanti li anke l-installazzjonijiet li minn lenti purament legali jistgħu jitqiesu ġeneraturi tal-elettriku skont l-Artikolu 3 punt u tad-Direttiva Nru 2003/87/KE ma jitqisux eliġibbli għal allokazzjonijiet gratis skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, jekk ma jwettqux attività industrijali oħra, anke jekk din l-attività industrijali jista' jkun ma taqax fl-ambitu tal-Anness I għad-Direttiva Nru 2003/87/KE, minħabba li tista' ma tkunx elenkata f'dan l-Anness jew inkella ma taqbiżx il-limitu għall-attività industrijali rispettiva kif stipulat fl-Anness I għad-Direttiva Nru 2003/87/KE.

(3)  Fl-2007, ma kien hemm l-ebda konnessjoni diretta jew indiretta man-netwerk UCTE li kien hemm qabel.

(4)  Fl-2007, il-konnessjoni man-netwerk UCTE li kien hemm qabel kienet permezz ta' linja waħda b'kapaċità ta' inqas minn 400 MW.

(5)  Fl-2006, iktar minn 30 % tal-elettriku kien prodott minn fjuwil uniku tal-fossili.

(6)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(7)  Ara wkoll il-Kapitolu 6 u l-Anness VII.

(8)  Ma hemmx konnessjoni bejn id-determinazzjoni tal-valur kummeċjali tal-kwoti gratis għall-finijiet ta' din il-Komunikazzjoni u l-valuri tas-suq li għandhom jiġu determinati skont il-valutazzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat. Dan lanqas ma jiddependi mill-evoluzzjoni fil-ġejjieni tal-prezzijiet tal-karbonju fl-Ewropa matul it-tielet perjodu ta' negozjar. Id-Direttiva toffri ftit flessibbiltà f'dan ir-rigward hi u tistipula li l-ammont tal-investiment għandu jkun ekwivalenti “safejn hu possibbli” għall-valur kummeċjali tal-allokazzjoni gratis. Dan ifisser li d-determinazzjoni tal-valur kummeċjali tal-kwoti gratis għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10c għandha tkun imsejsa fuq ipotesi kredibbli u persważiva ex ante tal-evoluzzjoni tal-ġejjieni tal-prezzijiet tal-karbonju, imma ma għandhiex għalfejn tirrifletti eżatt il-valuri ta' kuljum ta' kuntratti attwali, futuri u forwards dwar is-swieq Ewropej tal-karbonju mill-2013 sal-2020.

(9)  SEC(2010) 650, id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Analiżi tal-alternattivi lil hinn minn 20 % tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u r-riskju tar-rilaxxi tal-kabonju, informazzjoni fl-Isfond u Analiżi, Parti II.

(10)  Ara Premessa 15 tad-Direttiva Nru 2009/29/KE.

(11)  L-Artikolu 10c(4) isemmi b'mod espliċitu l-operaturi tan-netwerk, li skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq intern għall-elettriku (Direttiva Nru 2009/72/KE) m'għandhom ikollhom xejn x'jaqsmu mal-produzzjoni tal-elettriku. L-operaturi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli wkoll ma għandhomx jirċievu kwoti, imma huma koperti mill-ambitu tal-investimenti stipulati fl-Artikolu 10c(1).

(12)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(13)  Ara l-paragrafu 27.

(14)  L-Artikolu 10(3) jirrikjedi biss għall-anqas 50 % tad-dħul li għandu jintuża għall-finijiet relatati mal-klima, filwaqt li l-50 % (massimu) il jibqa' jitħalla għal kollox għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

(15)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(16)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(17)  L-ewwel rapport annwali li jitressaq fl-2014 għandu jkopri l-investimenti li jkunu saru bejn il-25 ta' Ġunju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2013.


ANNESS I

Determinazzjoni tal-għadd massimu ta' kwoti gratis

Sabiex tkun definita l-kwantità ta' allokazzjonijiet gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet fl-2013 u fis-snin sussegwenti għal Stat Membru li hu eliġibbli biex japplika skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, jeħtieġ li jittieħdu l-passi li jmiss:

(a)

Tiġi determinata l-medja tal-emissjonijiet annwali mis-sena 2005 sal-2007 tal-installazzjonijiet kollha eliġibbli.

(b)

Tiġi determinata l-proporzjon tal-medja annwali mis-sena 2005 sal-2007 tal-Konsum Nazzjonali Gross Finali (GFNC) mal-medja annwali mis-sena 2005 sal-2007 tal-Produzzjoni Grossa Totali tal-Elettriku (TGEP). Il-figura li tirriżulta (f'perċentwal) se tindika s-sehem tal-emissjonijiet li jikkorrispondi għall-GFNC05-07.

(ċ)

Il-medja tal-emissjonijiet annwali mis-sena 2005 sal-2007 (ara l-punt (a)) teżiġi li tkun immultiplikata bis-sehem tal-emissjonijiet li jikkorrispondi għall-GFNC05-07 (ara l-punt (b)).

(d)

Ir-riżultat se jirrifletti l-kwantità tal-kwoti biex ikunu koperti 100 % tal-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku li jikkorrispondu għall-GFNC. Dan għandu jiġi mmultiplikat b'fattur varjabbli, li fl-2013 ma għandux jaqbeż 0,7 (70 %), għandu jonqos kull sena mill-2013 'il quddiem u għandu jammonta għal 0 (0 %) fl-2020, li jirriżulta fil-massimu tal-allokazzjoni tranżizzjonali gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet li hu permess mid-Direttiva 2003/87/KE fl-2013 u fis-snin sussegwenti.

Il-formula li ġejja tiddetermina l-kwantità massima tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c(2):

TQFAx = (GFNC05-07/TGEP05-07) × AAQEEI 05-07 × ax

Abbrevjazzjoni

Spjegazzjoni

TQFAx

Kwantità totali tal-allokazzjoni gratis fis-sena x, bl-ittra x tirrappreżenta kull sena bejn l-2013 u l-2020

x

Fattur varjabbli li jirrappreżenta kull sena fil-perjodu ta' bejn l-2013 u l-2020

GFNC05-07

Medja annwali ta' bejn l-2005 u l-2007 tal-Konsum Nazzjonali Gross Finali

TGEP05-07

Medja annwali ta' bejn l-2005 u l-2007 tal-produzzjoni grossa totali tal-elettriku (kodiċi tal-Eurostat 107000 taħt il-kodiċi tal-prodott 6000“elettriku”)

AAQEEI 05-07

Medja tal-kwantità annwali tal-emissjonijiet mill-installazzjonijiet eliġibbli bejn is-sena 2005 u l-2007

ax

Fattur varjabbli li jirrappreżenta s-sehem tal-medja annwali tal-emissjonijiet ivverifikati bejn l-2005 u l-2007 li jikkorrispondi għall-konsum nazzjonali gross finali tal-Istat Membru kkonċernat. Il-valur tal-fattur varjabbli ma għandux jaqbeż il-figura ta' 0,7 (70 %) fl-2013, (a2013), u għandu jonqos kull sena wara l-2013 u għandu jammonta għal 0 (0 %) fl-2020.

Sabiex jitwettaq il-kalkolu, l-Istati Membri jeħtieġu jidentifikaw l-installazzjonijiet eliġibbli għall-allokazzjoni gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE. Għall-installazzjonijiet li ma jipproduċux biss elettriku imma wkoll sħana, għandhom jitqiesu biss l-emissjonijiet li jistgħu jkunu attribwiti għall-produzzjoni tal-elettriku.

Fl-Anness I, wieħed isib iktar kjarifika tal-kunċett tal-Konsum Nazzjonali Gross Finali kif ukoll il-formula biex jiġi kkalkulat.

Il-kwantità totali tal-kwoti li tirriżulta mill-formula li tidher hawn fuq tirrappreżenta l-għadd massimu tal-kwoti gratis fil-livell nazzjonali fis-sena x.


ANNESS II

Konsum Nazzjonali Gross Finali u l-formula biex jiġi kkalkulat

Il-kunċett tal-konsum nazzjonali gross finali (GFNC) tal-elettriku huwa l-element li jiddetermina l-għadd massimu ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan, madankollu, ma jikkorrispondix għal terminu statistiku definit jew użat mill-Eurostat u għalhekk, għandu jiġi interpretat fil-kuntest tal-Artikolu 10c.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 10c tad-Direttiva, il-konsum nazzjonali gross finali għandu jinkludi l-ammont tal-elettriku li jasal għand il-konsumatur finali, jiġifieri il-konsum totali ta' elettriku tal-konsumaturi domestiċi kollha f'pajjiż partikolari inkluż is-sehem tal-produzzjoni totali tal-elettriku li hu neċessarju sabiex ikun iġġenerat, ittrasportat u distribwit l-elettriku li fl-aħħar mill-aħħar jiġi kkunsmat.

Fir-rigward tal-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-elettriku, titqies l-importazzjoni biss li taqbeż l-esportazzjoni (l-importazzjoni netta) f'termini ta' GFNC fi Stat Membru partikolari. Minħabba li l-produtturi tal-elettriku fi Stat Membru ma għandhomx jirċievu kwoti gratis tal-emissjonijiet għall-elettriku li jiġi kkunsmat imma li ma jiġix ġenerat f'dan l-Istat Membru, id-determinazzjoni tal-GFNC għandha teskludi l-importazzjoni netta.

Il-konsum nazzjonali gross finali jikkonċerna biss l-elettriku u mhux xi forma oħra ta' enerġija. Għal raġunijiet ta' trasparenza, għandu jkun ibbażat fuq id-dejta disponibbli għall-pubbliku u kunċetti statistiċi li jkunu b'mod ġenerali rikonoxxuti, kif provdut u użat mill-Eurostat. Il-formula għall-kalkolu tal-GFNC tinsab hawn taħt.

GFNC = FEC – MNET + {[(FEC – MNET)/(TGEP + MNET)] × TDL} + {[(FEC – MNET)/TGEP] × CEG}

 

Kunċetti statistiċi

Il-kodiċi tal-Eurostat skont il-kodiċi tal-prodott 6000“enerġija elettrika”

GFNC

Konsum nazzjonali gross finali tal-elettriku

Mhux applikabbli

FEC

Konsum finali tal-enerġija (f'termini ta' elettriku)

101700

MNET

Importazzjoni netta tal-elettriku

100600

TGEP

Produzzjoni grossa totali tal-elettriku

107000

TDL

Telf mit-Trażmissjoni u mid-Distribuzzjoni

101400

CEG

Konsum tal-elettriku tas-settur tal-elettriku

101301

Il-medja annwali bejn is-sena 2005 u l-2007 tal-kunċetti indikati fit-tabella tirrappreżenta l-input xieraq tal-formula. Ir-riżultat tal-formula jirrappreżenta GFNC05-07 kif użat fl-Anness I.


ANNESS III

Teknoloġiji speċifiċi definiti minn qabel li jitfaċċaw fl-istadju ta' dimostrazzjoni

A.   KATEGORIJI TAL-PROĠETTI

I.   Kategoriji ta' proġetti ta' dimostrazzjoni CCS (b'limiti minimi ta' kapaċità  (1) ):

il-produzzjoni tal-enerġija: qabel il-kombustjoni 250 MW;

il-produzzjoni tal-enerġija: wara l-kombustjoni 250 MW;

il-produzzjoni tal-enerġija: ossikarburant 250 MW;

II.   Kategoriji ta' proġetti ta' dimostrazzjoni RES innovattivi (b'limiti minimi ta' kapaċità):

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur tal-bijoenerġija:

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ piroliżi, b’kapaċità ta’ 40 kt fis-sena tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ torrefazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 kt fis-sena tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’Gass Naturali Sintetiku jew gass ta’ sinteżi u/jew f’enerġija permezz tal-gassifikazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 miljun metri kubi normali fis-sena (M Nm3 fis-sena) tal-prodott finali jew 100 GWh fis-sena ta’ enerġija elettrika;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’bijofjuwils jew bijolikwidi u/jew f’enerġija inkluż permezz ta’ gassifikazzjoni b’tisħin dirett b’kapaċità ta’ 15-il miljun litru fis-sena (Ml fis-sena) tal-prodott finali jew 100 GWh fis-sena ta’ enerġija elettrika. Il-produzzjoni ta' Gass Naturali Sintetiku hija eskluża minn din is-subkategorija;

Konverżjoni ta’ materja prima linjoċelluloża, bħalma huma likur iswed u/jew prodotti ta’ piroliżi jew torrefazzjoni, permezz ta’ gassifikazzjoni ta’ fluwidi li jġorru partikuli, fi kwalunkwe bijofjuwil b’kapaċità ta’ 40 Ml fis-sena tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’enerġija elettrika b’effiċjenza ta’ 48 % abbażi ta’ valur kalorifiku inferjuri (umdità ta’ 50 %) b’kapaċità ta’ 40 MWe jew ogħla;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’etanol u alkoħols superjuri permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml fis-sena tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ linjoċelluloża u/jew ta’ skart tad-djar f’bijogass, f’bijofjuwils jew bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 6 MNm3 fis-sena ta’ Metanu jew 10 Ml fis-sena tal-prodott finali;

Konverżjoni ta’ alka u/jew mikro-organiżmi f’bijofjuwils u bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u/jew bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml fis-sena tal-prodott finali;

Nota: Il-kriterji tas-sostenibbiltà kif ipprovduti fid-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, għandhom jiġu sodisfatti għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi skont it-tifsira ta' dik id-Direttiva.

Enerġija solari konċentrata – subkategoriji ta' proġetti:

Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel li tuża mluħa mdewba jew likwidi oħra ta' trasferiment tas-sħana li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b'kapaċità nominali ta' 30 MW;

Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel imsejsa fuq il-Produzzjoni Diretta ta’ Fwar, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW. It-temperatura tal-fwar prodott direttament għandha tkun ogħla minn 500 °C;

Sistema ta' torri li tuża ċiklu ta' fwar b'temperatura għolja (jew sistema ta' torrijiet multipli, jew taħlita ta' kolletturi linjari u torri wieħed), b'kapaċità nominali ta' 50 MW;

Sistema ta' torri li tuża l-arja miżmuma fi pressjoni atmosferika ogħla minn dik ambjentali b'temperatura ogħla minn 750 °C u turbina ibrida solari u tal-gass, b'kapaċità nominali ta' 30 MW;

Impjanti tal-enerġija ta' daqs kbir b'dixx Stirling b'effiċjenza ta' konverżjoni tal-enerġija solari f'enerġija elettrika ta' aktar minn 20 % u b'kapaċità nominali ta' mill-inqas 25 MW;

Nota: L-impjanti ta' dimostrazzjoni ma jistgħux jinkludu sistemi ta' dry cooling u sistemi ibridi, kif ukoll sistemi (avvanzati) ta' ħżin tas-sħana.

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur fotovoltajku:

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta' daqs kbir, b'kapaċità nominali ta' 20 MW;

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta' daqs kbir li jużaw multi-junction Si-thin-film, b'kapaċità nominali ta' 40 MW;

Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir li jużaw ċelloli tal-Copper indium gallium (di)selenide (CIGS), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur ġeotermiku:

Sistemi ġeotermiċi mtejba fl-oqsma ta' stress tat-tensjoni, b'kapaċità nominali ta' 5 MWe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba fl-oqsma ta' stress tal-kompressjoni, b'kapaċità nominali ta' 5 MWe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba f'żoni bi blat, sedimentarju u granit, kumpatt u fond u strutturi kristallini oħra, b'kapaċità nominali ta' 5 MWe;

Sistemi ġeotermiċi mtejba f'żoni ta' ġebla franka fil-fond, b'kapaċità nominali ta' 5 MWe;

Nota: Applikazzjonijiet Kumbinati ta' Saħħa u Enerġija (CHP) bl-istess limiti ta' enerġija elettrika huma eliġibbli biss fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur tal-enerġija mir-riħ:

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini 6 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini 8 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini 10 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;

Sistemi ta' enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut li jżommu f'wiċċ il-baħar, b'kapaċità nominali ta' 25 MW;

Turbini tar-riħ fuq l-art addattati għall-aħjar użu fuq terreni kumplessi (bħal terreni bl-imsaġar, żoni muntanjużi): b'kapaċità nominali ta' 25 MW;

Turbini tar-riħ fuq l-art addattati għall-aħjar użu fi klima kiesħa (kumpatibbli ma' kundizzjonijiet ta' temperatura aktar baxxa minn – 30 °C u ma' kundizzjonijiet ta' silġ qawwi) b'kapaċità nominali ta' 25 MW;

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur tal-enerġija oċeanika:

Mezzi li jużaw l-enerġija tal-mewġ, b'kapaċità nominali ta' 5 MW;

Mezzi li jużaw l-enerġija tal-ibħra/tal-kurrent, b'kapaċità nominali ta' 5 MW;

Konverżjoni ta' enerġija termika (OTEC) b'kapaċità nominali ta' 10 MW;

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur tal-enerġija idroelettrika:

Produzzjoni tal-enerġija permezz ta' Ġeneraturi Superkondutturi ta' Temperatura għolja: 20 MW;

Subkategoriji ta' proġetti fis-settur tal-Ġestjoni Deċentralizzata ta' Enerġiji Rinnovabbli (netwerks intelliġenti):

Ġestjoni ta' enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f'żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik solari: 20 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Medju;

Ġestjoni ta' enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f'żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik mir-riħ: 20 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Medju;

Ġestjoni ta' enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f'żoni urbani: 20 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta' Vultaġġ Medju;

Nota: Ma jistax jiġi eskluż l-użu ta' tagħbijiet attivi (mezzi elettriċi ta' tisħin/heat pumps eċċ.).


(1)  Il-limiti ta’ enerġija CCS huma indikati bħala produzzjoni elettrika grossa qabel il-qbid.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


ANNESS IV

Infrastruttura, teknoloġiji nodfa, diversifikazzjoni tat-taħlita ta' enerġija u sorsi ta' forniment

Mill-kuntest ta' kif jintuża l-kunċett “infrastruttura” f'leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (1), hemm indikazzjoni ċara li t-terminu “infrastruttura” jinkludi l-faċilitajiet kollha relatati li huma mitluba biex ikun żgurat it-twassil tal-elettriku (trażmissjoni u distribuzzjoni). Dan minkejja l-fatt li l-kunċett “infrastruttura” jista' jagħti wieħed x'jifhem li jkopri l-impjanti li jiġġeneraw l-elettriku.

Filwaqt li ma hemmx definizzjoni applikabbli ta' “teknoloġiji nodfa”, għall-finijiet ta' dan id-dokument ta' gwida, il-Kummissjoni tuża t-terminu sabiex tirreferi għal teknoloġiji għall-produzzjoni tal-elettriku li jwasslu għal emissjonijiet rilattivament iktar baxxi tal-karbonju jew għal livell ogħla ta' protezzjoni ambjentali, inkluż l-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Il-Kummissjoni tqis li ż-żieda tas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-forniment totali tal-enerġija primarja u fil-ġenerazzjoni tal-elettriku dejjem tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tat-taħlita ta' enerġija u sorsi ta' forniment sabiex il-forniment kumplessiv tal-enerġija ikun iktar ibbilanċjat u inqas dipendenti mill-importazzjoni tal-fjuwils fossili.

Meta tonqos il-produzzjoni tal-enerġija indiġena, togħla d-dipendenza fuq l-enerġija impurtata (2). Pereżempju, sal-2020, l-importazzjoni tal-gass tal-Unjoni mistennija tiżdied minn 61 % kif inhi s-sitwazzjoni llum għal 73 %. Filwaqt li dan jidher li jirrappreżenta bilanċ raġonevoli fil-livell tal-Unjoni, għadd ta' Stati Membri, li huma eliġibbli skont l-Artikolu 10c, jistrieħu fuq fornitur wieħed għal 100 % tal-ħtiġijiet tal-gass tagħhom. F'dawn il-każijiet, l-investimenti mfassla għad-diversifikazzjoni tal-fornimenti tal-gass għal dawn l-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għad-diversifikazzjoni tat-taħlita ta' enerġija u r-rinfurzar tas-sigurtà tal-forniment ta' dawn l-Istati Membri. Dan l-investiment għandu jkun kompatibbli mal-mira li titnaqqas l-intensità tal-karbonju tal-forniment tal-enerġija ta' dawn l-Istati Membri, li hija wkoll mod ta' kif tiġi rrinfurzata s-sigurtà tal-forniment, u fl-istess ħin jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra.


(1)  Id-Direttiva 2003/54/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, id-Direttiva 2009/72/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE.

(2)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija, COM(2008) 781.


ANNESS V

Tipi ta' investimenti eliġibbli

It-tipi ta' investimenti eliġibbli skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE huma li ġejjin:

Tipi ta' investiment

A

Immodernizzar tal-infrastruttura

B

Aġġornament tal-infrastruttura

C

Teknoloġiji nodfa

D

Diversifikazzjoni tat-taħlita ta' enerġija

E

Diversifikazzjoni ta' sorsi ta' forniment

L-istrumenti li ġejjin jirrappreżentaw eżempji ta' investimenti eliġibbli skont l-Artikolu 10c:

(a)

Modernizzazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-għan li tirriżulta f'ġenerazzjoni tal-elettriku iktar effiċjenti u CO2 inqas intensiv (relazzjoni aħjar bejn il-konsum tal-elettriku gross u nett, jiġifieri s-sehem tal-konsum tal-elettriku nett fil-konsum gross u inqas emissjonijiet tas-CO2 għal kull MWe);

(b)

Tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz tal-immodernizzar tal-impjanti tal-enerġija mill-faħam (l-aqwa proċess)

(c)

Ġenerazzjoni tal-elettriku permezz tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (lil hinn mill-mira stipulata fid-Direttiva RES) inkluż ir-rekwiżiti tan-netwerk korrispondenti

(d)

Bdil ta' kapaċità tal-ġenerazzjoni intensiva iktar fl-ammont ta' CO2 b'kapaċità tal-ġenerazzjoni li tkun inqas intensiva fl-ammont ta' CO2

(e)

Qbid u ħżin tal-karbonju

(f)

Grids intelliġenti

(g)

CHP inkluż ir-rekwiżiti tan-netwerk korrispondenti

Il-lista mhijiex eżawrjenti. Il-proġetti kollha eliġibbli għandhom jiġu vvalutati għall-kompatibbiltà skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat sakemm dawn ikunu jinvolvu għajnuna mill-Istat.


ANNESS VI

Tbassir imsejjes fuq il-mudelli tal-prezzijiet tal-karbonju fit-tielet perjodu ta' skambju

Tbassir tal-prezzijiet tal-karbonju (medja annwali f'EUR/tunnellata ta' CO2)

2010-2014

2015-2019

F'EUR 2008

14,5

20,0

F'EUR 2005

13,6

18,7

Dawn il-valuri joħorġu mix-xenarju tal-linja tal-bażi mfisser fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Analiżi tal-alternattivi biex nagħmlu tnaqqis ta' iktar minn 20 % tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u r-riskju tar-rilaxx tal-karbonju” (traduzzjoni mhux uffiċjali), Informazzjoni ta' sfond u analiżi, Parti II, SEC(2010) 650.


ANNESS VII

Mudell għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 10c(5)

Meta jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom għal allokazzjoni gratis tranżizzjonali tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw il-mudell li ġej u jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab hawn taħt:

A.   Eliġibbiltà tal-Istat Membru

Evidenza li għall-anqas tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

B.   Eliġibbiltà tal-installazzjonijiet li huma meqjusa li jirċievu allokazzjoni tranżizzjonali tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet, l-għadd massimu ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet u l-għadd ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet allokati għal dawn l-installazzjonijiet inkluż kwoti mhux transferibbli

1.

Lista ta' installazzjonijiet li jitqiesu eliġibbli għal allokazzjoni tranżizzjonali ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE

2.

Għadd massimu ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet fl-2013 u fis-snin ta' wara

3.

Allokazzjoni gratis tranżizzjonali msejsa fuq l-installazzjoni tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet

3.1.

Għadd ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet imsejsa fuq l-emissjonijiet ivverifikati bejn l-2005 u l-2007

3.2.

Għadd ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet imsejsa fuq il-punti ta' referenza

3.3.

Informazzjoni dettaljata dwar l-għadd ta' kwoti tal-emissjonijiet mhux transferibbli u allokati għal installazzjonijiet eliġibbli

C.   Pjan nazzjonali u investimenti elenkati fil-pjan nazzjonali, eliġibbiltà tal-investimenti fil-pjan nazzjonali, bilanċ bejn il-valur kummerċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis u l-ammont tal-investimenti

Il-pjan nazzjonali jistipula l-istrateġija tal-Istat Membru kkonċernat u kif se tiġi mmodernizzata ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika matul il-perjodu ta' allokazzjoni tranżizzjonali tal-kwoti gratis tal-emissjonijiet. Jidentifika l-investimenti f'dan ir-rigward kif ukoll ir-rwol tat-tipi tal-investiment biex jinkiseb l-objettiv. Il-pjan nazzjonali jattribwixxi wkoll l-eżekuzzjoni ta' kull investiment fil-pjan nazzjonali għal xi sena partikolari filwaqt li jqis l-għadd dejjem jonqos ta' kwoti gratis tal-emissjonijiet matul il-perjodu kollu ta' allokazzjoni tranżizzjonali gratis tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Għal kull investimenti inkluż fil-pjan nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw

Il-kumpanija li qed tagħmel l-investiment

It-tip ta' investiment skont l-Anness V

L-ammont tal-investiment

L-għadd u l-valur kummeċjali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati gratis lill-kumpanija għall-investiment konċernat; kif ukoll

Il-prinċipji li l-investiment jikkonforma magħhom inkluż l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-prinċipji tal-investiment

Meta l-Istati Membri jużaw mekkaniżmu sabiex jiżguraw li l-valur tal-kwoti tal-emissjonijiet gratis li jingħata skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE jikkorrispondi għall-ammont tal-investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-approċċ kumplessiv, il-bażi legali u d-dettalji operazzjonali ta' dan il-mekkaniżmu. Għandhom jipprovdu wkoll dispożizzjonijiet legali li jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-influssi finanzjarji netti skont dan il-mekkaniżmu huma disponibbli permezz tar-rapporti li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.

D.   Monitoraġġ u infurzar ta' dispożizzjonijiet fir-rigward tal-investimenti maħsuba skont il-pjan nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jipprovdu u jistipulaw fid-dettall

Deskrizzjoni tal-monitoraġġ u l-infurzar ta' dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istati Membri kkonċernati inkluż l-indikaturi tal-konformità, id-dispożizzjonijiet dwar iż-żjajjar fuq il-post u l-verifika indipendenti tal-investimenti; kif ukoll

Dispożizzjonijiet sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligu tal-kumpaniji li jagħmlu investimenti identifikati fil-pjan nazzjonali inkluż sanzjonijiet fil-każ ta' non-konformità.

E.   Trasparenza u konsultazzjoni pubblika

L-Istati Membri għandhom jagħmlu sommarju tal-proċess li ġie segwit biex tħejjew l-applikazzjoni u l-pjan u kif il-pubbliku ġie infurmat u involut.


ANNESS VIII

Eżempji ta' indikaturi tal-konformità

Id-dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ u infurzar għandhom ikopru l-indikaturi tal-konformità użati biex juru li l-investimenti huma konformi mal-prinċipji stipulati fil-gwida, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti għall-pjanijiet nazzjonali.

Eżempji ta' indikaturi ta' konformità huma elenkati hawn taħt (il-lista mhijiex eżawrjenti):

(a)

Tqabbil tal-fattur tal-emissjonijiet tat-teknoloġija adottat minn kull installazzjoni bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva Nru 2003/87/KE mal-fattur tal-emissjonijiet tat-teknoloġija użat qabel l-immodernizzar/aġġornament;

(b)

Tqabbil tal-fattur tal-emissjonijiet tat-teknoloġija adottat minn kull installazzjoni bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c mal-fattur tal-emissjonijiet tal-teknoloġija disponibbli madwar l-Unjoni filwaqt li jitqies il-fjuwil użat;

(ċ)

Tnaqqis mistenni u implimentat fl-emissjonijiet kollha tal-gassijiet b'effett serra ġġenerati mill-produzzjoni nazzjonali tal-elettriku bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c (imqabbel man-negozju li jsir fuq bażi regolari);

(d)

Tnaqqis mistenni u implimentat fis-sehem tal-fjuwil fossili dominanti fil-produzzjoni nazzjonali tal-elettriku bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c;

(e)

Akkwisti fl-effiċjenza mistennija u implimentati fin-netwerks tal-proċess/ditribuzzjoni tal-ġenerazzjoni elettrika (f'termini ta' kemm jiġi ffrankat MWh) bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c u t-tnaqqis fl-emissjonijiet korrispondenti tas-CO2;

(f)

Żieda mistennija u implimentata fis-sehem tal-fjuwils li ma fihomx CO2 jew li għandhom inqas CO2 fit-taħlita ta' enerġija nazzjonali bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c;

(g)

Kapaċitajiet installati (f'MW) li kienu joperaw f'Diċembru 2008 li se jiħdulhom posthom kapaċitajiet ġodda b'inqas karbonju ffinanzjati bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c;

(h)

Sehem ta' kapaċitajiet installati u li kienu joperaw f'Diċembru 2008 li ħadulhom posthom kapaċitajiet ġodda b'inqas karbonju ffinanzjati bis-saħħa ta' investimenti skont l-Artikolu 10c, meta mqabbel mal-kapaċitajiet kollha li kienu joperaw f'Diċembru 2008;

(i)

Kapaċitajiet installati (f'MW) ta' enerġija rinovabbli li mistennija jibdew joperaw bis-saħħa tal-investimenti skont l-Artikolu 10c;

(j)

Sehem ta' fondi li joħroġ mill-Artikolu 10c fil-proġett kollu tal-investiment;

(k)

Għall-investimenti li jirċievu fondi skont sorsi oħra tal-Unjoni u/jew sorsi oħra pubbliċi u privati, sehem ta' kull sors ta' finanzjament tal-Unjoni u fondi oħra pubbliċi u privati fl-investiment kollu tal-proġett;

(l)

Prestazzjoni finanzjarja mistennija tal-investimenti skont l-Artikolu 10c (jiġifieri rata finanzjarja tad-dħul, spejjeż/benefiċċji, eċċ).


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/29


Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Għotjiet lir-Riċerkaturi fl-ambitu tal-programm ta' ħidma tal-Programm Ewropew konġunt ta' Riċerka dwar il-Metroloġija (EMRP)

2011/C 99/04

Qed jingħata avviż tat-tnedija tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Għotjiet lir-Riċerkaturi fl-ambitu tal-programm ta' ħidma tal-Programm Ewropew ta' Riċerka dwar il-Metroloġija.

Se jintlaqgħu applikazzjonijiet mill-31 ta' Marzu 2011 għal:

Stadju Nru 3 tas-Sejħa f'isem il-Konsorzji JRP għall-Għotjiet ta' Eċċellenża lir-Riċerkaturi (REG) u għall-Għotjiet għall-Mobilità tar-Riċerkaturi (RMG)

L-opportunitajiet għall-Għotjiet lir-Riċerkaturi (EMRP) huma marbuta mal-Proġetti Konġunti ta' Riċerka (JRPs) li huma ffinanzjati skont:

Is-sejħa 2009 tal-EMRP fis-settur tal-Enerġija

Is-sejħa 2010 tal-EMRP fis-settur tal-Industrija u l-Ambjent

Id-data tal-għeluq hija s-6 ta' Mejju 2011.

Tagħrif dwar il-modalitajiet tas-sejħa u d-dokumentazzjoni dwarha huma ppubblikati fuq dan is-sit elettroniku:

http://www.emrponline.eu/adverts


31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/30


SEJĦA SPEĊIFIKA GĦAL PROPOSTI – EAC/16/11

Karta Universitarja tal-Erasmus 2012

2011/C 99/05

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Il-Karta Universitarja tal-Erasmus tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni Ewropea li tista’ twettaq istituzzjoni tal-edukazzjoni superjuri (IES) fi ħdan il-programm Erasmus bħala parti mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja (PTTĦ). Il-Karta Universitarja tal-Erasmus għandha tingħata bħala prerekwiżit għal IES biex torganizza l-mobbiltà tal-istudenti u l-mobbiltà tal-għalliema u staff ieħor, biex jagħmlu korsijiet tal-lingwa intensivi u programmi intensivi tal-Erasmus, u biex japplikaw għal proġetti multilaterali, netwerks u miżuri akkumpanjattivi u biex jorganizzaw żjajjar preparatorji. Il-Karta Universitarja tal-Erasmus hija bbażata fuq id-Deċiżjoni PTTĦ (1) li tkopri l-perjodu bejn l-2007 sal-2013. L-għanijiet speċifiċi tal-PTTĦ huma elenkati fl-Artikolu 1.3 tad-Deċiżjoni.

2.   L-applikanti eliġibbli

Il-Karta Universitarja tal-Erasmus tapplika għall-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Superjuri kollha definiti fl-Artikolu 2.10 tad-Deċiżjoni.

L-applikanti jridu jkunu stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:

is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi tal-EFTA: l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera

il-pajjiżi kandidati: it-Turkija u l-Kroazja

3.   Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għall-Karta Universitarja tal-Erasmus għandhom jitressqu mhux aktar tard mill-25 ta' Mejju 2011.

4.   Id-dettalji kollha

L-informazzjoni dwar il-programm Erasmus u l-Karta Universitarja tal-Erasmus tinstab fl-indirizz tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/llp

L-applikazzjonijiet għandhom isiru skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u huma disponibbli f'dan l-indirizz:

http://eacea.ec.europa.eu/llp/index_en.htm


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja. Ara http://eur-lex.europa.eu/lex/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2006:327:0045:0068:EN:PDF


Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/31


Sejħa għal turija ta’ interess għal esperti Xjentifiċi sabiex jiġu kkunsidrati għal sħubija fil-panils Xjentifiċi u fil-Kumitat Xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (Parma, Italja)

2011/C 99/06

Il-Panil dwar is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali (AHAW);

Il-Panil dwar l-Addittivi fl-Ikel u Sorsi Nutrijenti miżjudin fl-ikel (ANS);

Il-Panil dwar il-Perikli Bijoloġiċi (BIOHAZ);

Il-Panil dwar il-Materjali ta’ Kuntatt mal-Ikel, Enzimi, Togħmiet u għajnuniet fl-Ipproċessar (CEF)

Il-Panil dwar il-Kontaminanti fil-katina tal-ikel (CONTAM);

Il-Panil dwar l-Addittivi tal-Għalf u prodotti jew sustanzi użati fl-għalf tal-annimali (FEEDAP);

Il-Panil dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament (GMO);

Il-Panil dwar Prodotti tad-dieta, nutrizzjoni u allerġiji (NDA);

Il-Panil dwar is-Saħħa tal-Pjanti (PLH);

Il-Panil dwar Prodotti ta’ Protezzjoni tal-Pjanti u r-residwi tagħhom (PPR);

Il-Kumitat Xjentifiku (SC)

Ref.: EFSA/E/2011/001

1.   Suġġett tas-sejħa

Din is-sejħa hija indirizzata għal xjenzjati li jixtiequ li jiġu kkunsidrati għal sħubija fil-Kumitat Xjentifiku (SC – Scientific Committee) tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) jew f’wieħed mill-Panils Xjentifiċi tal-EFSA fuq, b’mod partikolari: Is-Saħħa u l-Benesseri tal-Annimali (AHAW), l-Addittivi fl-Ikel u Sorsi Nutrijenti miżjudin fl-ikel (ANS), Perikli Bijoloġiċi (BIOHAZ), Materjali ta’ Kuntatt mal-Ikel, Enzimi, Togħmiet u għajnuniet fl-Ipproċessar (CEF), Kontaminanti fil-katina tal-ikel (CONTAM), Addittivi tal-Għalf u prodotti jew sustanzi użati fl-għalf tal-annimali (FEEDAP), Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMGs), Prodotti tad-dieta, nutrizzjoni u allerġiji (NDA), is-Saħħa tal-Pjanti (PLH), il-Prodotti ta’ Protezzjoni tal-Pjanti u r-residwi tagħhom (PPR).

Il-membri attwali tal-Kumitat Xjentifiku u ta’ tmienja mill-Panils Xjentifiċi (kollha għajr ANS u CEF) qegħdin iservu mandat ta’ tliet snin li huwa mistenni li jiskadi f’nofs l-2012. Il-membri l-ġodda sejrin jinħatru għall-mandat ta’ tliet snin ta’ wara li sejjer jibda f’nofs l-2012 u li sejjer jintemm f’nofs l-2015.

Fir-rigward tal-membri tal-Panils Xjentifiċi tal-ANS u CEF, il-mandat ta’ tliet snin li sejjer jibda f’nofs l-2011 huwa mistenni li jiskadi f’nofs l-2014. Membri ġodda sabiex jimlew il-postijiet vakanti f’dawn il-panils jistgħu jinħatru mil-lista ta’ riservi stabbilita bħala riżultat ta’ din is-sejħa. L-istess lista ta’ riservi tista’ sservi wkoll sabiex taħtar membri ġodda tal-Panils Xjentifiċi tal-ANS u CED għall-mandat ta’ tliet snin ta’ wara, li jibda f’nofs l-2014 u li sejjer jintemm f’nofs l-2017.

L-esperti inklużi fil-listi ta’ riservi eżistenti, jiġifieri, dawk stabbiliti bħala riżultat tas-sejħiet li ġejjin: EFSA/E/2009/001 (“il-lista ta’ riservi tal-2009”) u kemm EFSA/E/2010/001 kif ukoll EFSA/E/2010/002 (“il-lista ta’ riservi 2011”) għandhom jissottomettu applikazzjoni ġdida għas-sejħa l-ġdida jekk huma jixtiequ li jiġu kkunsidrati għal sħubija fil-Kumitat Xjentifiku jew fil-Panils Xjentifiċi fl-2012 jew jekk jixtiequ jiġu inklużi fil-lista ta’ riservi tal-2012.

Il-lista ta’ riservi tal-2009 u l-lista ta’ riservi tal-2011 sejrin jingħalqu dalwaqt hekk kif tkun stabbilita l-lista ta’ riservi tal-2012.

2.   L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija l-qafas ewlieni tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-valutazzjoni tar-riskji fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf. B’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u b’konsultazzjoni miftuħa mal-imsieħba tagħha, l-EFSA tipprovdi pariri xjentifiċi indipendenti u komunikazzjoni ċara fuq riskji eżistenti u emerġenti bbażati fuq l-aktar metodoloġiji xjentifiċi u dejta xjentifika aġġornata disponibbli. Il-parir xjentifiku tagħha huwa l-bażi tal-politiki u deċiżjonijiet tal-ġesturi tar-riskji fl-Istituzzjonijiet Ewropej tal-Istati Membri tal-UE.

L-EFSA tlaqqa’ flimkien lill-aqwa esperti Ewropej disponibbli fil-valutazzjoni tar-riskji fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, li jaġixxu b’kapaċità indipendenti għal organizzazzjoni awtonoma u mmexxija minnha stess biex tipprovdi lill-Istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri b’parir xjentifiku tal-ogħla livell.

L-Awtorità hija impenjata li tosserva l-istandards ewlenin ta’ eċċellenza xjentifika, onestà, trasparenza, indipendenza u ta’ rispons f’waqtu. Billi taħdem b’mod indipendenti, miftuħ u trasparenti, l-EFSA twassal l-aqwa parir xjentifiku possibbli u għalhekk tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ is-sistema Ewropea tas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf.

Għal aktar informazzjoni dwar l-EFSA, jekk jogħġbok irreferi għar-Regolament ta’ Stabbiliment tagħha:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2002R0178:20090807:MT:PDF

3.   Il-Panils Xjentifiċi u l-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA

Il-Panils Xjentifiċi huma responsabbli għall-għoti ta’ opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità u pariri oħrajn kif meħtieġ, kull wieħed fi ħdan il-qasam tal-kompetenza tiegħu. Jipproduċu opinjonijiet xjentifiċi kif ukoll pariri għall-ġesturi tar-riskji. Dan jgħin biex jiġi pprovdut bażi soda għall-formolazzjoni tal-politiki Ewropej u tal-leġiżlazzjoni Ewropea u dan jappoġġa lill-ġesturi tar-riskji fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-Panils Xjentifiċi huma normalment magħmulin minn wieħed u għoxrin (21) espert xjentifiku indipendenti. Il-Kumitat Xjentifiku huwa magħmul mill-Presidenti ta’ kull Panil Xjentifiku u minn sitt (6) esperti xjentifiċi oħrajn.

Il-Membri tal-Kumitat u tal-Panils Xjentifiċi jinħatru għal mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded darbtejn. Il-membri huma mistennija li jattendu u li jikkontribwixxu b’mod attiv fil-laqgħat kollha tal-Panil tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panil Xjentifiku fejn jiġu adottati l-opinjonijiet, id-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti ta’ gwida.

Dawn l-opinjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti ta’ gwida xjentifiċi huma ppubblikati fil-Ġurnal tal-EFSA, pubblikazzjoni ta’ kull xahar li hija indiċjata fid-databases biblijografiċi għax-xogħol tal-EFSA.

L-applikanti jiġu riferuti għall-Anness I ippubblikat fis-sit elettroniku tal-EFSA biex jikkonsultaw id-deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi.

L-applikanti huma rrakkomandati li jagħtu attenzjoni partikolari għall-Anness I meta jħejju l-applikazzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fir-rigward ta’ jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-għażla (ara sezzjoni 5 taħt), sejra tingħata l-konsiderazzjoni dovuta għall-adegwatezza tal-profili tal-applikanti fir-rigward tal-kompiti tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panils Xjentifiċi.

Għal iktar informazzjoni dwar l-għażla tal-Membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Executive Director concerning the selection of members of the Scientific Committee, Scientific Panels and external experts”(“Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar l-għażla ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u esperti esterni”

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/expertselection.pdf

Għal iktar informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Panils Xjentifiċi u l-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom, jekk jogħġbok irreferi għal “Decision of the Management Board concerning the establishment and operations of the Scientific Committee, Scientific Panels and of their Working Groups” (“Deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal- Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u tal-Gruppi ta’ Ħidma tagħhom”).

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/paneloperation.pdf

4.   L-irwol tal-membri tal-Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi huma xjenzati esperjenzati u indipendenti magħżulin u maħturin skont ir-regoli tal-EFSA u r-Regolament ta’ Stabbiliment tal-EFSA.

Matul il-mandat tagħhom, il-membri fil-kariga fil-Kumitat Xjentifiku u fil-Panils Xjentifiċi sejrin jintalbu jwettqu d-dmirijiet li ġejjin:

Jikkontribwixxu għad-diskussjoni, it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi tal-Panil Xjentifiku u/jew il-Kumitat Xjentifiku u l-gruppi ta’ ħidma tagħhom;

L-għoti ta’ parir xjentifiku fuq kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Panil Xjentifiku u/jew tal-Kumitat Xjentifiku;

L-għoti ta’ pariri dwar it-twettiq u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet xjentifiċi tal-Panil Xjentifiku u/jew tal-Kumitat Xjentifiku.

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi jistgħu jintgħażlu bħala Presidenti, viċi-presidenti u rapporteurs tal-Kumitat Xjentifiku, Panils Xjentifiċi u tal-gruppi ta’ ħidma tagħhom b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA (1) dwar l-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi.

Kundizzjonijiet ġenerali:

 

Membri ta’ Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku sejrin jintalbu jattendu għal laqgħat ta’ jumejn li normalment isiru f’Parma, l-Italja. Dawn il-laqgħat isiru bejn sitta u għaxar darbiet fis-sena.

 

Barra minn hekk, Membri tal-Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku huma mistennija li jipparteċipaw, kif xieraq, f’xi laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma li huma stabbiliti jew mill-Panils Xjentifiċi jew mill-Kumitat Xjentifiku. Dawn il-laqgħat normalment jiġu organizzati bejn sitta u tlettax-il darba fis-sena.

 

L-attendenza fil-laqgħa tal-Panils Xjentifiċi, tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-gruppi ta’ ħidma teħtieġ xi ammont ta’ xogħol preparatorju, inkluż qari minn qabel u abbozzar ta’ dokumenti. Il-laqgħat u ħafna mid-dokumenti huma bl-Ingliż.

 

L-applikanti huma meħtieġa li jesprimu l-impenn tagħhom li, jekk jinħatru, huma jipparteċipaw fl-attivatijiet tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panils Xjentifiċi.

 

L-EFSA sejra, skont ir-regoli finanzjarji tagħha, tħallas l-ispejjeż tal-vjaġġi, benefiċċji ta’ kuljum u tal-akkomodazzjoni tal-membri. Indennizz speċjali jitħallas għal kull jum sħiħ ta’ attendenza għal laqgħa (2).

5.   Proċedura tal-Għażla

L-applikanti huma meħtieġa li jindikaw fil-formola tal-applikazzjoni tagħhom massimu ta’ tliet (3) preferenzi għal dawk il-Panils Xjentifiċi u/jew għal dak il-Kumitat Xjentifiku li huma jixtiequ japplikaw għalih, skont l-ordni ta’ preferenza.

Il-membri li jkunu għadhom kif temmew tliet mandati konsekuttivi fil-Kumitat Xjentifiku jistgħu japplikaw għal sħubija f’Panil Xjentifiku. Bl-istess mod, Membri li jkunu għadhom kif temmew tliet mandati konsekuttivi f’Panil Xjentifiku jistgħu japplikaw għal sħubija fil-Kumitat Xjentifiku jew f’Panil Xjentifiku differenti.

Ir-rekwiżiti

A.   Kriterji ta’ eliġibilità

Il-ħtiġijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati sabiex l-applikanti jitqiesu bħala eleġibbli:

(i)

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrespondi għal studji universitarji mitmuma ta’ mill-inqas erba’ (4) snin attestati b’diploma fl-oqsma li ġejjin: Xjenza tal-Agronomija/Agrikoltura, Nutrizzjoni tal-Annimali, Biokimika, Bioloġija, Kimika, Ekotossikoloġija, Xjenza Ambjentali, Epidemjoloġija, Mikrobioloġija tal-Ikel, Teknoloġija tal-Ikel, Mediċina Umana, Xjenza tal-Ħajja, Mediċina Okkupazzjonali, Farmakoloġija, Farmaċija, Saħħa Pubblika, Tossikoloġija, Mediċina Veterinarja u oqsma relatati;

(ii)

Barra minn hekk, mill-inqas għaxar (10) snin ta’ esperjenza professjonali relevanti għall-kompetenza tal-Panil(s) magħżul(a) miksubin wara li tkun inkisbet id-diploma;

(iii)

Għarfien eċċellenti tal-lingwa Ingliża (3);

(iv)

L-applikanti jridu jimlew id-Dikjarazzjoni tal-Interessi nkluża fl-applikazzjoni b’mod estensiv, preċiż u komplet (4). Jekk jogħġbok innota li jekk ma timlix din il-parti tal-formola b’mod komplet, dan iwassal sabiex l-applikazzjoni tiegħek tiġi rifjutata (5);

(v)

L-applikanti jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi fl-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew tal-pajjiżi Kandidati tal-Unjoni. Esperti minn pajjiżi terzi jistgħu japplikaw ukoll iżda jiġu kkunsidrati biss għal sħubija meta l-livell meħtieġ ta’ ħila ma jkunx jista’ jinstab fost ċittadini tal-pajjiżi tal-UE, tal-EFTA jew tal-Pajjiżi Kandidati għal sħubija fl-UE.

B.   Kriterji tal-Għażla – Evalwazzjoni

L-applikazzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ eleġibilità (ara sezzjoni 5. A) sejrin jiġu ammessi għal evalwazzjoni komparattiva mwettqa mill-EFSA fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għażla indikati hawn taħt.

L-applikanti huma mħeġġa ħafna li jimlew il-formola tal-applikazzjoni fis-sezzjonijiet kollha bl-informazzjoni u l-evidenza kollha meħtieġa, minħabba li din sejra tifforma l-bażi għall-evalwazzjoni tagħhom.

L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni kollha meqjusin eleġibbli sejra ssir permezz ta’ medda ta’ punteġġi minn 0 (żero) sa 5 (ħamsa) għal kull kriterju ta’ għażla indikat hawn taħt. Sabiex jirrifletti l-importanza relattiva tal-kriterji ta’ għażla differenti, sejjer jiġi attribwit koeffiċjent ta’ peżar (koeffiċjenti ta’ peżar huma stabbiliti għall-Kumitat Xjentifiku). Kull applikazzjoni sejra tikseb medda ta’ punteġġ ta’ bejn 0 (żero) u 100 (mija).

Il-kriterji tal-għażla li ġejjin se jkunu eżaminati:

Esperjenza fit-twettiq ta’ valutazzjoni xjentifika tar-riskju u/jew fl-għoti ta’ parir xjentifiku f’oqsma relatati mas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf f’oqsma ta’ kompetenza u ħila esperta tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panils Xjentifiċi ppreferuti. (Għall-Panils Xjentifiċi massimu ta’ 25 punt minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 5; għall-Kumitat Xjentifiku massimu ta’ 30 punt minn100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 6);

Eċċellenza xjentifika li tista’ tingħata prova tagħha f’qasam wieħed, jew preferibbilment f’aktar minn wieħed, relatata mal-qasam kopert mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku ppreferut. (Għall-Panils Xjentifiċi massimu ta’ 20 punt minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 4; għall-Kumitat Xjentifiku massimu ta’ 15-il punt minn100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 3);

Esperjenza ta’ ħidma xjentifika fl-istudju tal-pari (peer-reviewing) u l-pubblikazzjonijiet, preferibbilment f’oqsma relatati mal-qasam ittrattat mill-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku ppreferut. (Massimu 15-il punt minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 3);

Ħila li ssir analiżi ta’ informazzjoni u ta’ faxxikli kumplessi, ħafna drabi minn firxa wiesgħa ta’ dixxiplini u sorsi xjentifiċi u li jitħejjew abbozzi ta’ opinjonijiet u rapporti xjentifiċi (Massimu 10 punti minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 2);

Esperjenza professjonali f’ambjent multidixxiplinarju, preferibbilment f’kuntest internazzjonali. (Massimu 10 punti minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 2);

Esperjenza fl-immaniġġjar ta’ proġetti relatati ma’ kwistjonijiet xjentifiċi. (Massimu 10 punti minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 2);

Ħiliet komunikattivi evidenzjati, ibbażati fuq esperjenza tat-tagħlim, preżentazzjonijiet pubbliċi, partiċipazzjoni attiva f’laqgħat, pubblikazzjonijiet. (Massimu 10 punti minn 100 – Koeffiċjent ta’ Għoti tal-Punti ta’ 2).

L-applikanti jistgħu jiġu kkunsidrati biss għal sħubija fil-Kumitat Xjentifiku jew fil-Panil Xjentifiku jekk l-applikazzjoni tagħhom tikseb punteġġ li jkun ogħla minn punteġġ minimu ta’ 66 punt (minn 100). L-EFSA tirriserva d-dritt li tikkonsulta mal-partijiet terzi dwar l-esperjenza professjonali tal-applikanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom.

Barra mill-kriterji msemmija fuq, id-Dikjarazzjoni Annwali tal-Interessi sejra tiġi riveduta skont il-Proċedura tal-EFSA għall-Identifikazzjoni u l-Maniġġ ta’ Kunflitti ta’ Interess Potenzjali (6). Il-firxa ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali tiġi kkunsidrata meta tittieħed deċiżjoni dwar jekk applikant huwiex sejjer jiġi evalwat aktar.

Għal aktar informazzjoni dwar l-għażla tal-Membri tal-Kumitat u Panils Xjentifiċi jekk jogħġbok irreferi għad-“Deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv dwar l-għażla tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku, tal-Panils Xjentifiċi u esperti esterni”

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/expertselection.pdf

6.   Lista ta’ riserva u Ħatriet

L-Applikanti li jinstabu li jissodisfaw il-ħtiġijiet għal sħubija fi kwalunkwe Panil Xjentifiku jew Kumitat Xjentifiku jistgħu jinħatru bħala membi għal mandat ta’ tliet snin, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-EFSA fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA.

Qabel il-ħatra, l-EFSA żżomm id-dritt li tqabbel l-applikazzjoni tal-applikanti ikkunsidrati għal sħubija ma’ dokumenti u ċertifikati sabiex tikkonferma l-preċiżjoni u l-eliġibilità tal-applikazzjoni.

Applikanti li jinstabu li jissodisfaw il-ħtiġijiet għal sħubija iżda li ma jinħatrux bħala membri jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta’ riżerva.

L-applikanti jistgħu, bil-kunsens minn qabel tagħhom, ikunu assenjati għal Panil Xjentifiku anke jekk ma jkunux applikaw b’mod speċifiku għal sħubija f’dak il-Panil. Jistgħu wkoll ikunu mistiedna sabiex jikkontribwixxu bħala esperti esterni għall-attivitiajiet ta’ Panil Xjentifiku jew Kumitat Xjentifiku jew wieħed mill-Gruppi ta’ Ħidma tal-Panils Xjentifiċi u tal-Kumitat Xjentifiku.

Membri tal-Kumitat Xjentifiku jew tal-Panils Xjentifiċi jistgħu jiġu sostitwiti jew, skont iċ-ċirkostanzi, in-numru tagħhom jista’ jiżdied. Membri li jkunu qed jieħdu post ħadd ieħor jew membri ġodda jintgħażlu mil-lista ta’ riżerva, u jkunu proposti mid-Direttur Eżekuttiv lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, wara konsultazzjoni mal-President tal-Kumitat Xjentifiku jew mill-Panil Xjentifiku kkonċernat.

7.   Database tal-esperti

Il-kandidati eleġibbli kollha sejrin ikunu mistiedna biex japplikaw fid-database tal-esperti tal-EFSA.

Għal aktar informazzjoni dwar id-database tal-esperti tal-EFSA:

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/AboutEfsa/WhoWeAre/efsa_locale-1178620753812_1178712806106.htm

8.   Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess

Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u tal-Panils Xjentifiċi jinħatru fuq bażi personali. L-applikanti huma meħtieġa jinkludu dikjarazzjoni li huma sejrin ikunu impenjati li jaġixxu b’mod indipendenti minn kull influwenza barranija, kif ukoll dikjarazzjoni tal-interessi li jistgħu jitqiesu bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom (ara l-kriterju ta’ eliġibilità iv). L-applikanti huma responsabbli għall-kontenut tad-dikjarazzjoni sottomessa li sejra tiġi vvalutata mill-EFSA skont il-Proċedura tal-EFSA għall-Identifikazzjoni u l-Maniġġ ta’ Kunflitti ta’ Interessi Potenzjali.

Ara hawn taħt għal xi eżempji ta’ x’jitqies bħala Kunflitt ta’ Interess:

—   Eżempju 1: membru ta’ Panil Xjentifiku partikolari għandu ishma f’diversi kumpaniji li jipproduċu jew iqiegħdu fis-suq prodotti li s-sigurtà tagħhom hija vvaluta minn dak il-Panil/Kumitat Xjentifiku.

—   Eżempju 2: membru ta’ Panil Xjentifiku partikolari jinħatar minn assoċjazzjoni ta’ produtturi bħala konsulent indipendenti sabiex jiprovdi pariri xjentifiċi dwar l-istess prodotti li s-sigurtà tagħhom hija vvalutata minn dak il-Panil/Kumitat Xjentifiku.

Għal aktar informazzjoni dwar id-Dikjarazzjonijiet tal-Interessi:

 

Il-politika tal-EFSA dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doipolicy.pdf

 

Dokument ta’ gwida dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiguidance.pdf

 

Proċedura għall-identifikazzjoni u l-maniġġ ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali

http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiconflicts.pdf

9.   Opportunitajiet indaqs

L-EFSA tagħti attenzjoni kbira għall-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali fil-proċeduri tagħha.

10.   Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

Il-kandidati huma mitluba li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom flimkien mad-Dikjarazzjoni tal-Interessi b’mod elettroniku permezz tal-websajt tal-EFSA: http://www.efsa.europa.eu

L-applikazzjonijiet jitqiesu ammissibbli biss jekk formola tal-applikazzjoni mimlija kif meħtieġ tiġi sottomessa online. Applikazzjonijiet mibgħuta b’posta rreġistrata jiġu aċċettati b’eċċezzjoni, f’każ ta’ nuqqas serju tas-sistema online tal-IT.

Applikazzjonijiet mibgħuta permezz ta’ posta elettronika.

Il-kandidati huma ġentilment mitluba biex jimlew l-applikazzjoni tagħhom bl-Ingliż biex jiffaċilitaw il-proċedura tal-għażla.

L-applikanti kollha jiġu infurmati permezz tal-posta dwar ir-riżultat tal-proċess tal-għażla.

L-informazzjoni personali li l-EFSA titlob mingħand l-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (7).

L-għan tal-ipproċessar tad-dejta personali huwa li jiġu mmaniġġjati l-applikazzjonijiet għal sħubija fil-Kumitati jew Panils Xjentifiċi tal-EFSA.

11.   Data tal-għeluq sa meta jintbagħtu l-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi mhux iktar tard mill-31 ta’ Mejju 2011 f’nofs il-lejl (Ħin lokali, GMT + 1). Għall-applikazzjonijiet mibgħuta b’posta rreġistrata, id-data tat-timbru tal-posta sservi ta’ prova.

Jekk jogħġbok innota li, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet li nirċievu, meta d-data ta’ għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tkun fil-qrib, is-sistema jista’ jkollha problemi biex tipproċessa l-ammonti kbar ta’ dejta. Għalhekk aħna nagħtu l-parir lill-applikanti biex jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom ħafna qabel id-data tal-għeluq.

Nota:

Fil-każ ta’ inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-verżjoni Ingliża u kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra ta’ din il-pubblikazzjoni, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża għandha tipprevali.


(1)  Għal aktar informazzjoni, irreferi għal: http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/paneloperation.pdf

(2)  Għal aktar informazzjoni, irreferi għal: http://www.efsa.europa.eu/efsa_rep/repository/documents/Experts_compensation_guide.pdf

(3)  “Għarfien eċċellenti” għandha tfisser li tikkorrespondi għal livell B2 jew ogħla (jiġifieri livelli C1 u C2) kif speċifikat fid-dokument ta’ referenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Portafoll Ewropew tal-Lingwi (“Qafas Ewropew Komuni ta’ Referenza: Kif titgħallem, Kif tgħallem, Valutazzjoni”). Għal aktar informazzjoni, irreferi għal http://www.coe.int/T/DG4/Portfolio/?M=/main_pages/levels.html

(4)  Għal aktar gwida dwar kif timla d-Dikjarazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għad-Dokument ta’ Gwida dwar id-Dikjarazzjonijiet ta’ Interess, disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-EFSA fuq http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiguidance.pdf

(5)  Jekk jogħġbok ara sezzjoni 8 ta’ din is-sejħa fuq Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess.

(6)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-EFSA fuq http://www.efsa.europa.eu/en/keydocs/docs/doiconflicts.pdf

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

31.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/38


Avviż rigward il-miżuri ta' anti-dumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, fiċ-Ċina u li huma estiżi għall-importazzjonijiet tal-ħbula u l-kejbils tal-azzar mibgħuta mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarat li joriġinaw fil-Korea u sew jekk le: indirizz mibdul ta' kumpanija eżentata mill-miżuri estiżi

2011/C 99/07

Id-dazju tal-anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-ħbula u l-kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, fiċ-Ċina impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 (1) kien estiż għall-importazzjonijiet tal-ħbula u l-kejbils li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea, sew jekk ikun iddikjarat li joriġinaw fil-Korea u sew jekk le, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 400/2010 (2) (“ir-Regolament (UE) Nru 400/2010”).

Bosung Wire Rope Co. Ltd, kumpanija fir-Repubblika tal-Korea, li l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni tal-ħbula u l-kejbils tal-azzar ġew eżentati mid-dazju tal-anti-dumping estiż, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 400/2010, infurmat lill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) li fit-3 ta' Jannar 2011 bidlet l-indirizz tagħha.

Il-kumpanija sostniet li l-bidla fl-indirizz ma taffettwax id-dritt li l-kumpanija tibbenefika mir-rata individwali ta’ dazju applikata lill-kumpanija meta kienet fl-indirizz preċedenti tagħha, jiġifieri:

972-5 Songhyun-Ri

Jinrae-Myeun

Kimhae-Si

Gyeungsangnam-Do

DAEHANMINGUK/REPUBLIC OF KOREA

Il-kumpanija ssottomettiet biżżejjed evidenza biex tistabbilixxi li l-bidla fl-indirizz saret minħabba n-nuqqas ta' spazju li kellha fejn kienet qabel.

Il-Kummissjoni eżaminat it-tagħrif mogħti u kkonkludiet li l-bidla fl-indirizz bl-ebda mod ma taffettwa s-sejbiet tar-Regolament (UE) Nru 400/2010. Għaldaqstant, ir-referenza fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 400/2010 għal:

Bosung Wire Rope Co. Ltd

972-5 Songhyun-Ri

Jinrae-Myeun

Kimhae-Si

Gyeungsangnam-Do

DAEHANMINGUK/REPUBLIC OF KOREA

għandha tinbidel għal:

Bosung Wire Rope Co. Ltd

568 Yongdeok-ri

Hallim-myeon

Gimhae-si

Gyeongsangnam-do

621-872

DAEHANMINGUK/REPUBLIC OF KOREA

Il-kodiċi addizzjonali TARIC A969 għandu japplika għal:

Bosung Wire Rope Co. Ltd

568 Yongdeok-ri

Hallim-myeon

Gimhae-si

Gyeongsangnam-do

621-872

DAEHANMINGUK/REPUBLIC OF KOREA


(1)  ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 117, 11.5.2010, p. 1