ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.054.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 54

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
19 ta' Frar 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-467 sessjoni plenarja tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010

2011/C 054/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020

1

2011/C 054/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Islanda bħala pajjiż kandidat (opinjoni esploratorja)

8

2011/C 054/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

15

2011/C 054/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-‘Sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

20

2011/C 054/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-‘Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-467 sessjoni plenarja tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010

2011/C 054/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta’ kejlCOM(2010) 507 finali – 2010/0260 (COD)

31

2011/C 054/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-exhaust tal-vetturi bil-mutur(COM(2010) 508 finali – 2010/0261 (COD)

32

2011/C 054/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib immuntati fuq in-naħa ta’ wara tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija ta’ karreġġata dejqa(COM(2010) 510 finali – 2010/0264 (COD)

33

2011/C 054/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett tal-ikelCOM(2010) 506 finali – 2010/0259 (COD)

34

2011/C 054/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u 1-Informazzjoni f’dak li jirrigwardja l-perijodu effettiv(COM(2010) 520 finali – 2010/0274 (COD)

35

2011/C 054/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ aċċess għas-servizz pubbliku rregolat offrut mis-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita mill-programm GalileoCOM(2010) 550 finali – 2010/0282 (COD)

36

2011/C 054/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kredituCOM(2010) 289 finali – 2010/0160 (COD)

37

2011/C 054/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrijaCOM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD)

42

2011/C 054/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijietCOM(2010) 484 finali – 2010/0250 (COD)

44

2011/C 054/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminaliCOM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD)

48

2011/C 054/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhomCOM(2010) 375 finali – 2010/0208 (COD)

51

2011/C 054/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Diġitali għall-EwropaCOM (2010) 245 finali

58

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-467 sessjoni plenarja tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/1


L-467 SESSJONI PLENARJA TAT-8 U D-9 TA’ DIĊEMBRU 2010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-‘Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020’

(Opinjoni esploratorja)

(2011/C 54/01)

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

l-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020

(Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur, 40 vot kontra u 21 astensjoni.

1.   Introduzzjoni u Sommarju

1.1   Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tadotta Strateġija tal-Enerġija għall-2011-2020 u Pjan ta’ Azzjoni għal sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju sal-2050. Hija talbet lill-Kumitat iħejji opinjonijiet esploratorji dwar dawn iż-żewġ suġġetti bħala kontribut għal ħidmiethom.

1.2   Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li dawn iż-żewġ suġġetti qed jiġu żviluppati flimkien. L-investiment fis-settur tal-enerġija huwa wieħed fit-tul, u huwa ferm importanti li l-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin tkun waħda li taħdem biex jinkisbu l-għanijiet iktar fit-tul għall-2050.

1.3   Il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ valutazzjoni, “Lejn strateġija ġdida tal-enerġija għall-Ewropa 2011-2020” bħala bażi għall-konsultazzjoni. F’din l-opinjoni l-ewwel Taqsima tippreżenta fil-qosor il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna. It-tieni Taqsima tispjega fil-qosor għadd ta’ temi ġenerali li għandhom jiġu ttrattati f’din l-istrateġija. Imbagħad it-Taqsima 3 tikkummenta dwar il-kwistjonijiet partkolari li tqajmu għad-diskussjoni fid-dokument ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni.

1.4   Tul l-aħħar 200 sena, id-dinja ddependiet l-iktar mill-karburanti fossili għall-enerġija u t-trasport. Matul dan iż-żmien kienu disponibbli għall-estrazzjoni sorsi abbundanti ta’ karburanti fossili bi prezzijiet komparattivament irħas, u dawn ippermettew li d-dinja żviluppata tikseb żieda enormi fil-produttività u l-istandards tal-għajxien.

1.5   Madankollu, fl-erbgħin sena li ġejjin il-biċċa l-kbira tal-esperti jaqblu li l-provvisti taż-żejt u tal-gass ser isiru anqas abbundanti u se jkun hemm kompetizzjoni qawwija u prezzijiet ogħla għar-riżorsi li jkun baqa’. Il-faħam probabbilment ser jibqa’ relattivament aktar abbundanti, u x’aktarx se jkun hemm inqas riskju ta’ limitazzjonijiet serji fil-provvista tul is-seklu li jmiss. Iżda d-dinja teħtieġ b’mod urġenti li tnaqqas il-livell tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħruq tal-karburanti fossili sabiex jiġi evitat tibdil fil-klima katastrofiku; u dan japplika għall-faħam daqs kemm japplika għaż-żejt u l-gass.

1.6   Għalhekk id-dinja teħtieġ li tittrasforma l-bażi tal-enerġija tagħha kif ukoll l-użu tal-enerġija sal-2050. Għandu jsir kull sforz biex jintużaw aktar id-diversi sorsi alternattivi ta’ enerġija kollha mill-iktar fis possibbli. Fil-każijiet fejn ikomplu jintużaw il-karburanti fossili, ser ikun meħtieġ li l-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom jinġabru minn ras il-għajn biex jinħażnu jew jintużaw mill-ġdid ħalli jiġi evitat li jiġu rilaxxati fl-atmosfera. U f’kull settur l-enerġija teħtieġ li tintuża b’mod ħafna aktar effiċjenti mil-lum.

1.7   Il-ġestjoni effettiva ta’ din it-trasformazzjoni hija waħda mill-akbar sfidi li s-soċjetà u l-gvernijiet qed jiffaċċjaw fis-seklu 21. Din ser teħtieġ approċċ ġdid fl-ipprezzar tal-enerġija u tas-servizzi tal-enerġija sabiex ikun żgurat, b’mod partikolari, li l-użu tal-karburanti fossili jerfa’ l-prezz kollu tal-piż tas-CO2 li dan jimponi fuq id-dinja, investiment massiv fit-teknoloġiji ġodda, sħubiji ġodda b’saħħithom bejn l-industrija u l-gvernijiet sabiex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa, u trasformazzjoni tal-attitudnijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-użu tal-enerġija u l-ispejjeż tagħha.

1.8   Il-pajjiżi ser ikollhom jaħdmu flimkien mill-viċin biex jiksbu l-bidliet meħtieġa. Fl-istess ħin il-proċess tat-trasformazzjoni nnifsu ser ikun intensament kompetittiv. Ser ikun hemm kompetizzjoni ħarxa għall-aċċess għas-sorsi li jifdal taż-żejt u l-gass, fl-istess ħin meta jibdew jinbtu oqsma ġodda għall-kompetizzjoni fl-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi ta’ enerġija u fil-prodotti u servizzi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-pajjiżi u r-reġjuni li jagħmlu progress minn kmieni lejn effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija u implimentazzjoni effettiva ta’ enerġija alternattiva se jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Dawk li ser jitlajjaw u jittardjaw it-trasformazzjoni ser jiskopru li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom saddet.

1.9   L-Ewropa u l-Unjoni Ewropea issa jinsabu fi stadju kritiku ta’ din l-evoluzzjoni. L-Ewropa għandha raġunijiet b’saħħithom biex tagħti spinta ’l quddiem lil din it-trasformazzjoni peress li tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet barranin taż-żejt u l-gass u hija vulnerabbli għal kwalunkwe limitazzjoni li jista’ jkun hemm fuq dawn il-provvisti. Kienet ukoll fuq quddiem tal-kuxjenza pubblika u politika li dejjem qed tikber dwar it-theddida tat-tibdil fil-klima u wasslet għall-iżvilupp ta’ uħud mis-sorsi alternattivi tal-enerġija li ser ikunu meħtieġa, u miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’uħud mis-setturi ewlenin.

1.10   Iżda l-Ewropa m’għandhiex tikkuntenta bis-sitwazzjoni attwali. Il-proċess ta’ trasformazzjoni għadu ma beniex biżżejjed momentum biex jipproċedi bis-saħħa tiegħu stess, u jista’ faċilment jaqa’ lura minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi attwali u minħadda l-viżjoni fil-qosor li dawn iġibu magħhom. Sadattant pajjiżi u reġjuni oħra bħalma huma ċ-Ċina u l-Istati Uniti jinsabu lesti sabiex jieħdu azzjoni rapida. Iċ-Ċina, b’mod partikolari, x’aktarx issir kompetitur vigoruż ħafna fl-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija alternattivi.

1.11   Huwa ta’ importanza vitali għall-Ewropa li din tiżviluppa dinamiżmu ġdid għat-trasformazzjoni tal-enerġija. L-istrateġija tal-enerġija l-ġdida tal-UE tista’, u għandha, tipprovdi l-qafas sabiex dan jiġi stabbilit. Għandha tfassal għanijiet u miri kif ukoll tispjega fil-qosor il-miżuri u l-istrutturi li jinħtieġu biex dan jinkiseb. Jeħtieġ li l-adozzjoni tal-istrateġija mill-Kunsill u l-istituzzjonijiet tkun l-okkażjoni għall-mobilizzazzjoni ta’ rieda politika, soċjetali u kummerċjali magħquda għall-bidliet meħtieġa. Hija opportunità li ma tistax tiġi injorata jew imberbqa.

2.   Elementi Ewlenin tal-istrateġija

2.1   L-Istrateġija tal-Enerġija l-ġdida għall-Ewropa bejn l-2011 u l-2020 għandha tkun ibbażata fuq mill-inqas tliet pilastri: is-sigurtà tal-provvista, ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-kompetittività tal-enerġija. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi li saru biex tinbeda t-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tagħha, però jiddispjaċih li l-kwistjoni tal-kompetittività tal-enerġija ngħatat ftit wisq attenzjoni fid-dokument ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2010 intitolat “Towards a new energy strategy 2011-2020” (Lejn strateġija tal-enerġija ġdida għall-2011-2020). Hemm riskju reali li jkun hemm rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-impjiegi minħabba l-ispejjeż kumulattivi tal-politiki kollha tal-enerġija, sakemm ma jiġux adottati l-miżuri adegwati mingħajr dewmien.

2.2   Fil-fehma tal-KESE l-elementi ewlenin tal-istrateġija jistgħu jiġu elenkati taħt l-intestaturi li ġejjin:

Is-sinjali ekonomiċi jridu jkunu tajbin

It-teknoloġiji jridu jkunu tajbin

Il-mobilizzazzjoni tal-finanzi

L-istituzzjonijiet u l-istrutturi (pubbliċi u privati) iridu jkunu tajbin

Irid jiġi żgurat l-impenn tal-konsumaturi u tal-pubbliku

Il-bini ta’ alleanza u sħubiji Ewropej għat-transizzjoni u li jiġi stabbilit ftehim ġenerali dwar l-objettivi, ir-ritmu tal-miri avvanzati u speċifiċi li għandhom jinkisbu sa dati speċifiċi

2.3   Is-Sinjali Ekonomiċi. Minn perspettiva ta’ ekonomista, l-uniku mezz l-aktar importanti sabiex isseħħ it-trasformazzjoni meħtieġa tas-settur tal-enerġija huwa li l-enerġija tiġi pprezzata kif suppost, inklużi l-esternalitajiet kollha tal-produzzjoni u l-użu tagħha. B’mod partikolari l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija għandhom jerfgħu l-ispiża sħiħa tal-iżvantaġġ globali tal-produzzjoni tagħha tas-CO2 li din tikkawża.

2.4   Fil-preżent dan assolutament mhuwiex il-każ mad-dinja kollha. Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija xejn mhuma qed jerfgħu mill-ispejjeż tal-karbonju, u f’ħafna postijiet dawn għadhom jirċievu sussidji perversi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija u titħeġġeġ id-domanda għaliha kif ukoll il-produzzjoni tal-karbonju assoċjata ma’ din. Il-politika tal-ġejjieni għandha timmira biex l-emissjonijiet tas-CO2 li ġejjin mill-ħruq tal-karburanti fossili jerfgħu l-prezz sħiħ tal-karbonju. Kwalunkwe sussidju li jifdal għandu jiffoka b’ħafna aktar reqqa fuq

il-promozzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp fit-teknoloġiji l-ġodda,

l-appoġġ għall-użu ta’ teknoloġiji ġodda li qed jinbtu b’livelli baxxi ta’ karbonju għal perijodi limitati sakemm dawn isiru b’saħħithom u indipendenti fis-swieq,

l-inkoraġġiment għall-użu ta’ miżuri u tekniki għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,

u l-għajnuna għal djar ifqar u aktar vulnerabbli sabiex jiġu żgurati s-servizzi tal-enerġija li dawn jeħtieġu.

2.5   L-Ewropa għamlet xi progress fid-direzzjoni ta’ strutturi ta’ pprezzar aħjar. Iżda t-taħlita attwali tagħha – magħmula minn ħafna taxxi differenti tal-karburanti f’pajjiżi differenti, xi sussidji ta’ produzzjoni residwi, sistema tal-iskambju tal-karbonju imperfetta u volatili, eċċ. – tinsab ’il bogħod milli tagħti s-sinjali tal-prezzijiet stabbli u konsistenti li huma meħtieġa biex il-fornituri u l-konsumaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jippjanaw fiduċjużi bil-quddiem biex jagħmlu l-investimenti kbar jew żgħar. L-istrateġija tal-enerġija l-ġdida għandha tistabbilixxi għanijiet u miri ċari għal

l-eliminazzjoni ta’ sussidji perversi fis-setturi tal-enerġija u dawk relatati kemm min-naħa tal-produzzjoni kif ukoll minn dik tal-konsum

aktar armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-karburanti, il-proċessi u l-prodotti kollha li jipproduċu gass b’effett ta’ serra

l-iffissar ta’ prezz xieraq tal-karbonju fis-setturi kollha, kemm jekk permezz ta’ estensjoni tas-sistema tal-iskambju u l-eliminazzjoni tal-punti dgħajfa tagħha, kemm jekk permezz ta’ mezzi fiskali oħra

u l-iffukar ta’ kwalunkwe sussidju li jifdal fuq l-iskopijiet speċifiċi msemmija hawn fuq.

2.6   Il-prezzijiet tal-enerġija x’aktarx ser jibqgħu ogħla milli kienu fil-passat (u l-provvista ta’ xi sorsi ta’ enerġija tal-Ewropa tista’ tkun ristretta minn żmien għal żmien). L-enerġija trid tintuża bl-ikbar effiċjenza possibbli sabiex il-konsum globali tal-enerġija u l-livell ta’ investiment ġdid jinżammu f’livelli fattibbli. Għandu jsir l-ikbar sforz possibbli biex tiġi promossa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha.

2.7   Li l-prezzijiet ikunu tajbin huwa importanti iżda fil-fehma tal-Kumitat dan mhuwiex biżżejjed biex il-momentum jingħata spinta irriversibbli fid-direzzjoni tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Ser jinħtieġu ħafna miżuri u inizjattivi oħra, b’mod partikolari fl-istadji tal-bidu qabel ma s-suq innifsu ma jkun jista’ jipprovdi l-impuls prinċipali.

2.8   It-Teknoloġiji t-Tajba. Għad iridu jsiru sforzi kbar biex jiġu promossi l-iżvilupp u l-istallazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija alternattivi, inkluża medda sħiħa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Meta dawn l-alternattivi jkunu kompletament żviluppati, dawn għandhom isiru kompetittivi bis-sħiħ fis-suq u m’għandhomx ikunu jeħtieġu iktar appoġġ speċjali apparti mid-differenza favurihom implikata minn prezz adegwat tal-karbonju. Iżda sal-2020 ħafna minn dawn it-teknoloġiji ser ikunu għadhom fi stadju ta’ żvilupp u x’aktarx ser ikunu jeħtieġu inkoraġġiment finanzjarju permezz tal-programmi tar-Riċerka u l-Iżvilupp, tariffi “feed-in” jew inċentivi oħra għall-investiment, u appoġġ għal żvilupp adegwat tal-infrastruttura.

2.9   Ħafna mis-sorsi alternattivi tal-enerġija x’aktarx ser ikunu użati bl-aktar mod effettiv bħala kontribut għall-ġenerazzjoni tal-elettriku: sabiex isir l-aħjar użu mill-kontribut tagħhom, in-netwerk tal-elettriku ser ikollu jissaħħaħ bil-kbir u ser ikollu jitwessa’ fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, u jrid isir iktar “intelliġenti” sabiex ikun jista’ jakkomoda diversi kontributi minn ħafna sorsi differenti fi skali differenti minbarra li jkollu jindirizza tendenzi ta’ domanda li jvarjaw.

2.10   Il-kapaċità sekondarja (standby) jew il-ħażna (flimkien ma’ grilja integrata) fil-ġejjieni ser ikollhom rwol saħansitra iktar importanti x’jaqdu minn dak attwali billi ser ikollhom ikampaw b’tendenzi jiżdiedu u jonqsu tal-provvista minn sorsi rinnovabbli, bħalma hija l-enerġija mir-riħ u x-xemx, kif ukoll tendenzi ta’ domanda li jiżdiedu u jonqsu. L-impjanti tal-idroelettriku, l-impjanti bbażati fuq il-bijomassa, il-faċilitajiet għall-ħżin tal-gass, u possibbilment il-ħażna tal-batteriji fuq skala kbira jista’ jkollhom parti dejjem iktar importanti x’jaqdu għal dan il-għan flimkien mal-impjanti tal-karburanti fossili li jifdal (b’mod partikolari l-impjanti bbażati fuq il-gass) li jkunu mgħammra b’sistemi ta’ ħażna tal-karbonju.

2.11   Għadd ta’ kummentaturi jemmnu li l-ġenerazzjoni ġdida ta’ impjanti nukleari se jkollha rwol importanti fl-ekonomija l-ġdida b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, u bosta pajjiżi kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa qed jieħdu passi biex itawlu l-ħajja tal-impjanti eżistenti u biex jippjanaw għal impjanti ġodda. Il-maġġoranza tal-Kumitat taqbel li l-enerġija nukleari se jkollha rwol fit-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Iżda t-teknoloġija għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari konvenzjonali issa hija żviluppata sew, u fil-fehma tal-Kumitat kull impjant nukleari ġdid li jiġi żviluppat issa għandu jkun obbligat iħallas l-ispejjeż ekonomiċi kollha għat-tħaddim, l-assigurazzjoni u eventwalment għad-diżattivazzjoni u l-ħażna u r-rimi tal-iskart mingħajr l-ebda sussidju espliċitu jew moħbi.

2.12   Il-faħam ser jibqa’ biċ-ċar sors importanti ta’ enerġija, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, għal għadd ta’ għexieren ta’ snin li ġejjin. Sabiex jiġi minimizzat l-impatt tas-CO2 jeħtieġ li l-isforzi għall-iżvilupp u l-istallazzjoni tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju jingħataw spinta sew ’il quddiem u jiġu stabbiliti skadenzi għall-istallazzjoni tagħhom fl-impjanti kollha tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.

2.13   Jeħtieġ li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni jiġu promossi sew fis-setturi kollha, inklużi, b’mod partikolari, it-trasport, id-djar u l-bini, is-settur tal-enerġija, u l-industriji ta’ enerġija intensiva.

2.14   Il-Mobilizzazzjoni tal-Finanzi. Biex tiġi implimentata din it-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija jeħtieġ li jsir investiment qawwi tul l-għoxrin sena li ġejjin (probabbilment tlieta jew erba’ darbiet ogħla mil-livelli tal-investiment attwali). Sabiex issir din l-espansjoni hemm bżonn strateġija Ewropea ambizzjuża biex jiġu stabbiliti objettivi ċari, u biex jinħoloq qafas tar-regolazzjoni, inċentivi u appoġġ ieħor li jkunu tajbin, konsistenti u ta’ min joqgħod fuqhom għall-industriji kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jimxu mingħajr xkiel lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi.

2.15   L-Istrutturi u l-Istituzzjonijiet it-Tajba. Din it-trasformazzjoni ser teħtieġ ukoll li jissaħħu sew l-arranġamenti istituzzjonali għall-ippjanar u l-iggwidar tal-iżviluppi filwaqt li jitkompla jitħeġġeġ suq dinamiku u kompetittiv biex isiru l-investimenti neċessarji. L-ippjanar tal-provvista tal-enerġija, il-ġestjoni tal-grilja, u r-regolazzjoni tas-suq tal-enerġija u l-istrutturi tat-tariffi tiegħu lkoll għandhom jiġu eżaminati u integrati jew koordinati fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li jkunu konsistenti mal-għanijiet tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2011-2020.

2.16   Il-bidliet meħtieġa ser ikollhom bżonn bidliet rapidi u sostanzjali fit-tendenzi tal-produzzjoni u l-konsum fl-ekonomija Ewropea. Min-naħa tal-produzzjoni, għandhom jinħolqu ħafna intrapriżi u impjiegi ġodda fil-qasam tal-enerġija hekk kif tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli u prodotti u servizzi effiċjenti fl-użu tal-enerġija; fl-istess ħin, fl-oqsma antiki tas-settur tal-enerġija ser jintilfu intrapriżi oħra. Ser ikun hemm bżonn programm kbir ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid biex din it-transizzjoni tiġi ġestita b’mod armonjuż.

2.17   Bħalissa hemm suq internazzjonali li qed jikber b’rata mgħaġġla f’dawn it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet il-ġodda li jinħtieġu għat-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija. L-Ewropa għandha tespandi s-settur proprju tar-Riċerka u l-Iżvilupp u tħeġġeġ lill-industriji u lin-negozji tagħha biex jiżguraw post ewlieni f’dan is-suq dinamiku u kompetittiv.

2.18   L-involviment tal-Konsumaturi, l-SMEs u l-pubbliku inġenerali. Min-naħa tad-domanda, għandu jsir sforz mill-ikbar biex jiġu edukati u inċentivati l-konsumaturi u l-intrapriżi lokali sabiex ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-konsum intelliġenti li jkun meħtieġ fil-ġejjieni. Kull tip ta’ konsumatur (kemm il-kumpaniji kif ukoll id-djar) ser ikollhom bżonn informazzjoni adatta dwar l-opportunitajiet disponibbli għalihom biex ikunu jistgħu jużaw l-enerġija b’mod iktar effiċjenti u biex jassistu fit-transizzjoni għall-provvista ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. F’bosta każijiet ser ikollhom bżonn ukoll inċentivi biex jadottaw miżuri ta’ effiċjenza fl-użu ta’ enerġija huma nfushom jew biex jinstallaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

2.19   X’aktarx il-prezzijiet tal-enerġija ser jibqgħu ogħla mill-passat, u l-impatti fuq djar ifqar, u jeħtieġ li l-persuni vulnerabbli jiġu evalwati bir-reqqa, u li l-politiki jitfasslu skont il-ħtieġa. Dawn id-djar għandhom ikunu l-kandidati ta’ prijorità għall-għajnuna għall-istallazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kemm minħabba li dawn m’għandhomx ir-riżorsi biex jieħdu dawn il-miżuri f’idejhom, kif ukoll minħabba li l-prezzijiet ogħla tal-enerġija ser ikunu aktar ta’ piż fuqhom milli fuq dawk li qegħdin f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar.

2.20   Alleanza Ewropea favur il-bidla. Sabiex titwettaq it-trasformazzjoni enormi u rapida li hemm bżonn, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaqsmu l-kompetenzi tagħhom u jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu l-integrazzjoni teknika u ekonomika meħtieġa tas-suq uniku tal-enerġija, u biex jinvolvu s-setturi rilevanti tal-industrija fil-ħidma lejn it-transizzjoni. L-Istrateġija tal-UE għandu jkollha responsabbiltà konġunta u implimentazzjoni konġunta.

2.21   Miri. Sabiex jinżamm ir-ritmu tal-bidla, il-Kumitat jissuġġerixxi li jkun siewi għall-istrateġija tal-UE li tistabbilixxi sensiela ta’ dati ta’ mira interrelatati u konsistenti għat-twettiq ta’ partijiet partikolari tat-transizzjoni. Imbagħad kull mira tkun teħtieġ il-miżuri proprji għall-implimentazzjoni u l-pjani ta’ investiment maħduma b’kooperazzjoni mal-industrija u partijiet interessati oħra. Eżempji jistgħu jinkludu:

Il-miri li huma diġà stabbiliti għas-sorsi rinnovabbli għall-2020, u miri oħra għall-2030, l-2040 u l-2050

Ladarba t-tekniki jew it-teknoloġiji għall-ġbir jew it-tneħħija tal-karbonju mill-impjanti tal-karburanti fossili jiġu pprovati dan ikun jeħtieġ li mill-bidu jiġu inkorporati fi kwalunkwe impjant ġdid tal-karburanti fossili u li jiġu stabbiliti skadenzi għalihom biex jiġu applikati għal kull impjant eżistenti

Dati ta’ mira biex kull dar ġdida u bini ieħor ġdid ikun kiseb status ta’ emissjonijiet ta’ livell żero, u biex progressivament jiġi mgħammar il-bini eżistenti

Dati ta’ mira biex b’mod progressiv il-flotta ta’ vetturi ssir taħdem bl-elettriku

Miri indikattivi għat-tneħħija tal-karbonju tal-fossili għat-tisħin u t-tisjir fid-djar.

2.22   Kull waħda minn dawn il-miri u miżuri individwali għandhom jiġu integrati fl-istrateġija komprensiva għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u jkunu konsistenti mal-mira globali ta’ 20 jew 30 % tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020.

3.   Oqsma ta’ prijorità għall-istrateġija l-ġdida tal-enerġija identifikati fid-Dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni

3.1   Grilji integrati moderni. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li huwa tal-ikbar importanza għall-Ewropa li tiġi żviluppata infrastruttura ta’ grilja iktar b'saħħitha, iktar resiljenti, iktar intelliġenti u iktar integrata. Sabiex jiġu garantiti l-iktar riżultati effiċjenti mill-enerġija rinnovabbli għandha tingħata preferenza lill-istallazzjoni ta’ diversi tipi ta’ enerġija rinnovabbli fl-iktar postijiet adatti għal kull tip (l-enerġija mir-riħ fejn l-iktar li jagħmel ir-riħ, l-enerġija mix-xemx fejn tagħmel l-iktar ix-xemx, eċċ.), imbagħad tintuża grilja effiċjenti biex l-enerġija tiġi trasferita fejn hemm bżonn. Sabiex nilħqu l-aħjar livell possibbli fuq skala Ewropea fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-produzzjoni globali tal-elettriku fl-Ewropa trid titqies bħala sistema unika integrata. Għandha tiġi stabbilita “Grilja Unika Ewropea” kif ukoll proġetti konġunti u strutturi biex din tiġi ppjanata u amministrata. Il-grilja trid ikun kapaċi tamministra u topera b’mod intelliġenti fil-livelli kollha sabiex tqabbel bl-aħjar mod il-provvista mad-domanda. Fost objettivi oħra, il-grilja integrata ser ikollha takkomoda l-kontribut tal-enerġija minn sorsi mbiegħda (pereżempju, l-istallazzjonijiet tar-riħ fil-baħar jew tax-xemx fid-deżert; u l-użu ta’ AC u DC f’partijiet differenti tan-netwerk ikollu jiġi ottimizzat biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tal-enerġija fin-netwerk globali.

3.2   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu iktar qrib xulxin u mal-ENTSOs kollha biex jistabbilixxu struttura koordinata għall-ippjanar tal-iżvilupp u l-ġestjoni tan-netwerk integrat, inklużi l-parametri tekniċi u finanzjarji għall-bini u t-tħaddim tiegħu.

3.3   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li ser ikun importanti li jiddaħħal il-kejl intelliġenti (smart metering) f’kull livell tal-konsum, inklużi d-djar individwali. Il-konsumaturi ser ikollhom bżonn ħafna u ħafna għajnuna mill-fornituri tal-karburant u mill-korpi pubbliċi biex ikunu jistgħu jifhmu l-informazzjoni li ser jagħtuhom il-meters intelliġenti u biex jingħataw għażliet ġenwini dwar kif jistgħu jużaw din l-informazzjoni biex jagħmlu l-aħjar użu mit-tendenzi tal-konsum tagħhom tal-enerġija.

Progress lejn sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-UE diġà ħadet l-impenn li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’20 %, u bi 30 % jekk pajjiżi oħra jieħdu impenji kumparabbli. Dawn l-impenji huma xprun importanti għal ħafna politiki oħra u għall-investiment fis-sistemi l-ġodda tal-enerġija li ser jinbtu minnhom. Fil-fehma tal-Kumitat ikun mixtieq li l-UE timpenja lilha nnifisha, b’konformità mal-proposta mill-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, biex minn kmieni tibda tissikka l-mira tagħha tas-CO2 għall-2020 sabiex sa dak iż-żmien jinkiseb tnaqqis ta’ 30 % minflok l-impenn attwali ta’ 20 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr it-telf tal-kompetittività u sakemm dan it-tnaqqis isir verament flimkien mal-miżuri u l-investiment meħtieġa sabiex dan jinkiseb.

3.4.1   L-Unjoni Ewropea diġà qiegħda fit-triq it-tajba biex tikseb l-20 % tnaqqis sal-2020, (diġà nkiseb 17 % tnaqqis sal-2009) u tista’ tgawdi jekk jitħeġġeġ aktar il-fatt li l-iskadenza għat-tnaqqis tkun eqreb biex it-trasformazzjoni tal-enerġija sseħħ aktar malajr, is-suq tal-kummerċ tal-karbonju jaħdem b’mod aktar effettiv, u titjieb il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa fit-tul. Iżda jekk titqies politikament, u f’termini tal-protezzjoni fuq żmien qasir tal-kompetittività tal-industrija Ewropea (b'mod partikolari s-setturi tal-enerġija intensiva), naturalment ikun ħafna aktar faċli li nimxu lejn tnaqqis ta’ 30 % jekk pajjiżi industrijalizzati oħrajn jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tnaqqis kumparabbli, u jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-aktar avvanzati jaqblu li jagħtu kontribut adegwat għall-isforz globali. Dan ikun ifisser li l-pajjiżi ewlenin kollha jaqsmu bejniethom b’mod aktar ugwali l-ispejjeż tal-investiment u l-piżijiet tal-prezz tal-enerġija għall-ġestjoni tat-transizzjoni tal-enerġija, u li r-“rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju” titnaqqas kemm jista’ jkun.

3.4.2   S’issa l-UE ppruvat tuża l-possibbiltà li nimxu lejn mira ta’ 30 % għall-2020 bħala ass għan-negozjar biex tipperswadi pajjiżi oħra jieħdu impenji simili. Iżda f’Kopenħagen u wara ħareġ li din mhijiex tattika effettiva. Sadanittant, mal-mogħdija taż-żmien, bil-mod qed tintilef l-opportunità li mira ogħla għall-2020 tintuża bħala mezz kif titħaffef it-trasformazzjoni tal-enerġija fi ħdan l-Ewropa nnifisha.

3.4.3   Billi qed tkompli l-assenza ta’ qbil globali komprensiv dwar it-tibdil fil-klima, l-UE għandha tqis li tersaq qabel lejn mira ta’ tnaqqis ta’ 25 % sal-2020, biex b’hekk jiġi mmirat il-livell baxx tal-firxa tat-tnaqqis li l-IPCC rrakkomanda għal dik is-sena għall-pajjiżi żviluppati. Dan għandu jiżgura wkoll parti mill-benefiċċju tat-trasformazzjoni jekk tiġi adottata mira aktar stretta mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jinżamm il-benefiċċju tan-negozjar li jkun hemm 5 % aktar tnaqqis x’jiġi offrut biex pajjiżi oħra jitħeġġu jagħmlu aktar fis-sentejn li ġejjin.

3.5   Pass bikri f’din id-direzzjoni jista’ jwassal għal limiti iktar stretti fl-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-karbonju u b’hekk għal prezz ogħla u iktar effettiv għall-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kumitat jemmen li biex is-sistema tal-iskambju twassal għal riżultati ġenwini, għandu jiġi stabbilit prezz minimu ta’ EUR 30, u għandhom isiru arranġamenti biex jiġi żgurat li jinkiseb proporzjon ogħla tat-tnaqqis tal-karbonju fl-UE permezz ta’ investimenti adatti, iktar mill-esportazzjoni għal partijiet oħra tad-dinja bis-saħħa tal-mekkaniżmu għal żvilupp nadif (Clean Development Mechanism – CDM). Madankollu, minkejja dan it-titjib, il-Kumitat xorta jemmen li huwa importanti li ma jiġux eżaġerati r-riżultati li jistgħu jinkisbu mis-sistema tal-iskambju biss. Barra minn hekk jista’ jirriżulta politikament u kompetittivament inaċċettabli li s-sistema tissaħħaħ sostanzjalment fl-UE jekk partijiet oħra tad-dinja jkomplu jżommu lura milli jieħdu azzjoni komparabbli. Ser ikun meħtieġ li bosta politiki oħra simili għal dawk imsemmija f’din l-opinjoni jiġu introdotti taħt strateġija komprensiva jekk it-trasformazzjoni tal-enerġija għandha sseħħ bil-pass meħtieġ, u jista’ jkun hemm bżonn li jingħataw enfasi akbar fl-istrateġija tal-ġejjieni jekk is-sistema tal-iskambju tkompli tkun difettuża fil-prattika.

3.6   L-UE diġà mxiet biċċa sew fit-triq lejn it-twaqqif ta’ standards minimi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini, il-vetturi u varjetà ta’ prodotti u servizzi oħra. Iżda għad hemm ħafna xi jsir biex dawn il-limiti jiġu estiżi u jsiru iktar stretti. U għad hemm ħafna iktar xi jsir biex jiġi żgurat li dawn l-istandards kollha jiġu implimentati u rispettati. Il-Kummissjoni ser ikollha żżid il-pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiżviluppaw pjani ta’ azzjoni u politiki adegwati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

3.7   It-tmexxija fl-innovazzjoni teknoloġika. L-innovazzjoni teknoloġika ser tkun kruċjali biex is-settur tal-enerġija jiżviluppa prodotti u servizzi ġodda, u biex il-prezzijiet tagħhom jitniżżlu f’livelli fattibbli. L-Ewropa qiegħda fil-periklu li taqa’ lura wara l-kompetituri internazzjonali l-kbar f’dan is-settur, u għandha żżid ir-Riċerka u l-Iżvilupp (pubbliku u privat) fit-teknoloġiji l-ġodda prinċipali. Fil-livell Ewropew, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan) għandu jiġi implimentat minnufih.

3.8   L-enerġija għandha tingħata prijorità ogħla f’kull programm rilevanti tal-UE, inkluż b’mod partikolari, fil-fondi strutturali. L-Istati Membri wkoll għandhom jagħtu prijorità ogħla lill-pjani ta’ investiment tagħhom, b’mod partikolari dawk relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli. L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kumpaniji tas-settur privat li joperaw fil-provvista u d-distribuzzjoni tal-enerġija u li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jingħataw qafas ta’ regolazzjoni ġust u stabbli u l-inċentivi li jwassluhom biex jaqdu r-rwol tagħhom fl-espansjoni tal-isforzi.

3.9   Il-Kumitat jaqbel li hemm rwol partikolarment importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fiż-żoni tagħhom u fil-koordinazzjoni tal-pjani għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Huwa jirrakkomanda li jkun hemm appoġġ Ewropew għall-inizjattivi eċċellenti li ilhom jieħdu l-membri tal-Patt tas-Sindki fil-qasam tal-enerġija u li għandhom jinstabu mezzi biex din l-inizjattiva tissaħħaħ u tiġi estiża.

3.10   Politika esterna tal-enerġija b’saħħitha u koordinata. Il-Kumitat jaqbel li l-UE tista’ tibbenefika minn politika tal-enerġija iktar koordinata ma’ pajjiżi terzi. Iżda tkun kemm tkun koordinata l-politika tagħha, l-Ewropa ser tibqa’ vulnerabbli fil-livell internazzjonali jekk tibqa’ dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-karburanti fossili minn partijiet oħra tad-dinja, b’mod partikolari jekk dawn ikunu konċentrati f’xi ftit pajjiżi biss. Iktar ma l-UE tħaffef biex tikseb livelli ogħla ta’ effiċjenza, livelli iktar baxxi ta’ konsum globali u inqas dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ karburanti fossili, iktar se tkun sigura l-pożizzjoni tagħha.

3.11   Il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tingħata prijorità għolja lill-miżuri li joħolqu sitwazzjoni b’opportunitajiet indaqs għall-operaturi tal-enerġija fl-Ewropa, u għall-promozzjoni tat-trasparenza għall-klijenti rigward l-aspetti kollha tas-servizzi tal-enerġija li jirċievu. Kull tip ta’ konsumatur (kemm il-kumpaniji kif ukoll id-djar) ser ikollu jitgħallem jagħti ħafna iktar attenzjoni lit-tendenzi tal-konsum tiegħu tal-enerġija u l-opportunitajiet li ser ikunu disponibbli biex tintuża inqas enerġija b’iktar effiċjenza.

3.12   X’aktarx il-prodotti u s-servizzi tal-enerġija ser jogħlew relattivament fil-prezz u dan ser jagħti inċentiv ekonomiku f’din id-direzzjoni. Iżda kull tip ta’ konsumatur, bir-raġun, ser jistenna iktar minn żidiet fil-prezzijiet biex jgħinuh jaqbad it-triq it-tajba. L-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi ser ikollha ssir ħafna iktar disponibbli, flimkien ma’ informazzjoni speċifika dwar l-għażliet li ser ikunu disponibbli u l-assistenza biex issir il-bidla (pereżempju, l-għażla tat-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija fid-djar u bini ieħor, għażliet tat-trasport iktar ekoloġiċi, xiri u għażliet ta’ vaganzi iktar ekoloġiċi, eċċ.).

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


APPENDIĊI

It-test li ġej tal-Opinjoni tas-Sezzjoni ġie modifikat skont l-emenda li ġiet adottata mill-Assemblea, minkejja li mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa kienu kontra din il-bidla:

Punt 3.4

Progress lejn sistema ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. L-UE diġà ħadet l-impenn li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju b’20 %, u bi 30 % jekk pajjiżi oħra jieħdu impenji kumparabbli. Dawn l-impenji huma xprun importanti għal ħafna politiki oħra u għall-investiment fis-sistemi l-ġodda tal-enerġija li ser jinbtu minnhom. Fil-fehma tal-Kumitat ikun mixtieq li l-UE timpenja lilha nnifisha, b’konformità mal-proposta mill-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit, biex minn kmieni tibda tissikka l-mira tagħha tas-CO2 għall-2020 sabiex sa dak iż-żmien jinkiseb tnaqqas ta’ 30 % minflok l-impenn attwali ta’ 20 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr it-telf tal-kompetittività u sakemm dan it-tnaqqis isir verament flimkien mal-miżuri u l-investiment meħtieġa sabiex dan jinkiseb.

Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda:

88 vot favur 82 vot kontra u 26 astensjoni.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘L-Islanda bħala pajjiż kandidat’

(opinjoni esploratorja)

(2011/C 54/02)

Relatur: is-Sinjura CARR

B’ittra tat-28 ta’ April 2010, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Maroš Šefčovič u l-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-proċess tat-tkabbir, is-Sur Štefan Füle, talbu lill-KESE, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar

L-Islanda bħala pajjiż kandidat.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ottubru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’170 vot favur u vot wieħed kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Bħalma ġie kkonfermat fis-seduta pubblika li saret f’Settembru 2010 fl-Islanda, attwalment ftit li xejn hemm appoġġ mill-pubbliku għall-applikazzjoni tal-Islanda għas-sħubija mal-UE. Filwaqt li s-sħubija bħala tali tibqa’ kwistjoni kontroversjali, l-appoġġ mill-pubbliku għan-negozjati tal-adeżjoni jidher li qiegħed jiżdied: 64 % jippreferu li l-proċess tal-adeżjoni għall-UE jitkompla, mhux li tiġi rtirata l-applikazzjoni. Din hija żieda konsiderevoli fl-appoġġ għall-proċess tal-adeżjoni meta mqabbla ma’ sondaġġi preċedenti.

1.2   Il-Kumitat jemmen li issa wasal iż-żmien biex l-organizzazzjonijiet favur l-UE jiġu inklużi ħafna aktar fid-dibattitu pubbliku sabiex juru l-benefiċċji tas-sħubija tal-UE kemm għall-Islanda kif ukoll għall-UE. Il-KESE jista’ jkun l-ewwel wieħed li jorganizza avvenimenti li jiffokaw b’mod speċjali fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-“interessi varji”.

1.3   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-sħubija tal-Islanda mal-UE u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-Islanda fin-negozjati tal-adeżjoni. Tradizzjonalment, l-imsieħba soċjali jaqdu rwol prinċipali fil-proċess ta’ politika fl-Islanda u diġà għandhom kuntatti mal-KESE u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi Ewropej.

1.4   Apparti l-imsieħba soċjali, il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn ta’ parteċipazzjoni usa’ minn gruppi ta’ interessi varji fi ħdan is-soċjetà ċivili. Matul il-proċess tal-adeżjoni jeħtieġ li jiġi assigurat “djalogu ċivili” flimkien mad-djalogu soċjali aktar tradizzjonali.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf kemm jista’ jkun malajr Kumitat Konsultattiv Konġunt għall-Islanda, bħalma sar għall-pajjiżi l-oħra qabel l-adeżjoni tagħhom. Skont il-Kumitat, dan il-mekkaniżmu ser ikun utli biex isir skambju tal-fehmiet u l-informazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili tal-Islanda u l-Istati Membri tal-UE, sabiex jesprimu rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet konġunti lill-partijiet fin-negozjati, u b’mod partikolari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-Grupp III matul in-negozjati tal-adeżjoni.

1.6   Minħabba l-iżvilupp politiku u ekonomiku għoli tagħha u l-parteċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), b’mod ġenerali l-Islanda tinsab lesta biex tirrispetta l-obbligi tas-sħubija mal-UE (minkejja l-kollass tal-ekonomija Islandiża fil-kriżi reċenti), partikolarment fl-oqsma koperti mill-Ftehim ŻEE. Il-KESE jemmen ukoll li, bħala Stat Membru tal-UE, l-Islanda tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ diversi politiki tal-UE, pereżempju fl-oqsma tas-sajd sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli u d-dimensjoni Artika. Bħalissa, l-Islanda m’għandhiex siġġu fl-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.7   Minkejja li l-Islanda diġà implimentat ammont sostanzjali tal-acquis tal-UE, għad fadal xi sfidi f’ċerti oqsma prinċipali, primarjament fis-setturi tas-sajd u tal-agrikoltura. Il-KESE jenfasizza li l-gruppi tas-soċjetà ċivili f’dawn l-oqsma jridu jaqdu rwol prinċipali fil-proċess tal-adeżjoni. Hemm bżonn ukoll li jiġu involuti gruppi oħra fil-proċess tal-adeżjoni biex il-gvern Islandiż jiġi appoġġjat fil-kompitu tiegħu li jinnegozja l-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE.

1.8   Xi organizzazzjonijiet influwenti tas-soċjetà ċivili diġà ddikkjaraw li huma kontra t-talba ta’ adeżjoni tal-Islanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa importanti ħafna li l-organizzazzjonijiet favur l-adeżjoni jniedu dibattitu pubbliku fil-futur qarib dwar il-benefiċċji tas-sħubija għall-Islanda u għall-UE. Il-KESE jemmen li jkun utli li jitnieda dibattitu usa’ fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex l-organizzazzjonijiet u l-pubbliku jiġu megħjuna jiffurmaw il-fehmiet tagħhom fil-kuntest ta’ proċess demokratiku, waqt li jitqies l-approċċ konsenswali adottat fil-livell Ewropew.

1.9   L-opinjoni pubblika negattiva fl-Islanda lejn sħubija mal-UE parjzalment ġejja mill-kontroversja, li għadha mhix solvuta, tal-każ Icesave. Għalhekk, huwa aktar importanti li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fi djalogu kostruttiv dwar il-kwistjoni tas-sħubija mal-UE. Il-KESE jinsisti li l-każ Icesave għandu jiġi solvut barra n-negozjati tal-adeżjoni u m’għandux ikun ta’ ostaklu fil-proċess tal-adeżjoni tal-Islanda.

2.   Il-qagħda attwali

2.1   L-Islanda applikat għas-sħubija mal-UE f’Lulju 2009 u fl-24 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tal-Islanda. Fis-17 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni u stieden lill-Kunsill jadotta qafas ġenerali ta’ negozjar. Id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Ġunju 2010. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza Intergovernattiva saret fis-27 ta’ Lulju 2010.

2.2   L-Islanda diġà implimentat il-maġġorparti tal-acquis tal-UE permezz tal-Ftehim ŻEE u tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Schengen. Dan għandu jħaffef il-proċess ta’ skrining u n-negozjati li jsegwu dwar kull kapitolu. Madankollu, għad fadal xi sfidi f’xi oqsma prinċipali bħall-agrikoltura, is-sajd u l-politika monetarja. Il-proċess ta’ skrining beda u għandu jikkonkludi f’Ġunju 2011.

2.3   L-Islanda tissodisfa bi sħiħ il-kriterji politiċi għal sħubija mal-UE stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Kopenħagen fl-1993. Hija demokrazija rappreżentattiva żviluppata tajjeb b’istituzzjonijiet b’saħħithom u b’sistema estensiva ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u r-rispett għall-istat tad-dritt.

2.4   L-amministrazzjoni pubblika tagħha ġeneralment hija effiċjenti u ħielsa minn kwalunkwe interferenza politika. Madankollu, id-diżordni finanzjarju reċenti ġab miegħu taqlib politiku kbir u bżonn għal riforma amministrattiva. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kriżi finanzjarja qajmet mistoqsijiet dwar il-kunflitti potenzjali ta’ interessi relatati mar-rabtiet mill-qrib bejn il-klassi politika u l-intrapriżi, u probabbilment ser ikun hemm bżonn ta’ aktar riformi. Diġà nbdiet ir-riforma pubblika li indirizzat xi wħud mit-tħassibiet li qajmet il-Kummissjoni.

2.5   Minkejja l-konsegwenzi severi tal-kriżi ekonomika, l-Islanda hija ekonomija tas-suq li taħdem tajjeb u kapaċi tiffaċċja l-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fi ħdan l-UE. Biex jiġġieled kontra l-kriżi, il-gvern tal-Islanda adotta miżuri severi ta’ awsterità, ippropona politiki biex jiddiversifika l-ekonomija u qed jispera li jerġa’ jkun hemm tkabbir pożittiv sal-aħħar tal-2010. L-għan prinċipali tal-gvern attwali huwa li jerġa’ jibbilanċja l-baġit statali sal-2013 filwaqt li joħloq l-impjiegi u jippromovi l-innovazzjoni biex l-Islanda terġa’ ssir kompetittiva sal-2020.

2.6   B’mod ġenerali, l-Islanda titqies bħala kandidat naturali għas-sħubija. Għandha kultura demokratika żviluppata tajjeb u livell għoli ta’ konformità mal-acquis u għalhekk tista’ ttemm in-negozjati tal-adeżjoni pjuttost malajr, sakemm tikkonforma b’mod sħiħ il-leġislazzjoni tagħha mal-acquis saż-żmien tal-adeżjoni. Jekk il-proċess tan-negozjati jintemm b’suċċess u l-Islandiżi japprovaw is-sħubija ta’ pajjiżhom f’referendum, l-Islanda tkun l-Istat Membru bl-inqas popolazzjoni ta’ madwar 317 000 ċittadin.

2.7   Wara li l-Islanda applikat għas-sħubija, twaqqfu għaxar gruppi ta’ negozjati inkarigati min-negozjati f’oqsma differenti. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet prinċipali oħrajn huma rappreżentati tajjeb u għandhom siġġijiet fil-gruppi rilevanti. Għalkemm l-uffiċjali huma responsabbli għan-negozjati, il-gruppi l-aktar milqutin ġew mistiedna jieħdu sehem fil-ħidma preparatorja tat-timijiet tan-negozjati u jipparteċipaw direttament fil-proċess.

2.8   Hija l-politika tal-gvern Islandiż li jinvolvi bis-sħiħ lis-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni. Meta l-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Islandiż abbozza l-opinjoni tiegħu dwar is-sħubija mal-UE, għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u istituzzjonijiet ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom, li ġew ikkunsidrati. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kumitat iddikjara li għandu jitwaqqaf forum ta’ konsultazzjoni estensiva li fih jiġu diskussi l-UE, il-qagħda tan-negozjati tal-adeżjoni u l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Islanda f’setturi speċifiċi.

2.9   Minkejja dawn is-sinjali pożittivi kollha dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-adeżjoni, il-kredibbiltà tal-Islanda sofriet f’xi Stati Membri tal-UE minħabba l-kriżi bankarja u l-każ tal-Icesave. L-attitudni tal-Islandiżi rigward l-UE mhix kostanti. Sondaġġ li għamlet l-organizzazzjoni Gallup f’Lulju 2010 wera li 60 % kienu favur li l-applikazzjoni għas-sħubija tiġi rtirata iżda fl-aħħar ta’ Settembru, sondaġġ ieħor li sar mill-gazzetta Fréttablaðið wera li 64 % ta’ dawk li rrispondew riedu li n-negozjati jiġu konklużi sabiex ikunu jistgħu jivvotaw f’referendum dwar il-kwistjoni. Għalkemm għadu kmieni wisq biex jingħad jekk inbidlitx il-perċezzjoni tal-UE fost l-Islandiżi, li hu żgur hu li hemm domanda enormi għal aktar informazzjoni fattwali dwar l-UE u s-sħubija mal-UE. Jidher li hemm xewqa dejjem tikber biex il-poplu jitgħallem aktar dwar l-UE u l-proċess tal-adeżjoni sabiex id-deċiżjonijiet futuri jiġu bbażati fuq għarfien sod u mhux fuq miti u biżgħat.

3.   Ir-relazzjonijiet mal-UE

3.1   L-Islanda għandha rabtiet stretti mal-Unjoni Ewropea permezz tal-Ftehim ŻEE li daħal fis-seħħ fl-1994. Il-Ftehim ŻEE jippermetti lit-tliet pajjiżi tal-EFTA jipparteċipaw fis-suq intern tal-UE. Wara li l-Islanda applikat għas-sħubija, l-UE waqqfet rappreżentanza fl-Islanda. Qabel, l-Islanda kienet rappreżentata minn dik ta’ Oslo.

3.2   B’konformità mal-Ftehim ŻEE, l-Islanda kellha tintegra l-maġġorparti tal-acquis tal-UE fis-sistema legali nazzjonali tagħha. Il-pajjiż adotta l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-erba’ libertajiet. Huma ftit is-setturi tal-politika nazzjonali li ma jintlaqtux mill-Ftehim ŻEE li, bħalma xi wħud isostnu, jirrappreżenta forma ta’ kważi sħubija mal-UE. Sa Lulju 2009, il-perċentwali tal-leġislazzjoni tas-suq intern traspost fil-leġislazzjoni nazzjonali huwa fuq l-istess livell tal-medja tal-Istati Membri tal-UE.

3.3   Għalkemm il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà ma jagħmlux parti mill-Ftehim ŻEE, l-Islanda tipparteċipa wkoll f’dan is-settur politiku permezz tal-Ftehim Schengen. Meta l-Istati Membri Nordiċi talbu biex jingħaqdu mal-Ftehim Schengen, għamlu dan bil-kondizzjoni li tinstab soluzzjoni biex tinżamm l-Unjoni Nordika tal-Passaporti mal-Islanda u n-Norveġja. Għalhekk, iż-żewġ pajjiżi ilhom japplikaw l-acquis Schengen minn Marzu 2001.

3.4   Fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, il-Ftehim ŻEE prinċipalment jagħti aċċess għall-Kummissjoni. Skont l-Artikoli 99 u 100 tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA-ŻEE jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u l-gruppi ta’ ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija. Madankollu, l-Istati EFTA-ŻEE m’għandhom l-ebda aċċess formali għall-Kunsill jew għall-Parlament Ewropew.

3.5   L-imsieħba soċjali Islandiżi jipparteċipaw fil-Kumitat Konsultattiv Konġunt taż-ŻEE mal-KESE. Fil-livell politiku, l-Islanda tipparteċipa fil-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-ŻEE. Flimkien man-Norveġja, l-Islanda tipparteċipa wkoll fil-laqgħat informali tal-pajjiżi Nordiċi u dawk Baltiċi qabel ma jiltaqa’ l-Kunsill, li fihom għandha l-opportunità tipprova twassal fehmietha.

3.6   Apparti li ma jkollhiex parteċipazzjoni sħiħa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, id-differenza prinċipali bejn l-istatus tal-Islanda skont il-Ftehim ŻEE u s-sħubija mal-UE hija li l-Ftehim ŻEE ma joħloqx istituzzjonijiet sovranazzjonali li għandhom il-poter li jadottaw liġijiet li jkunu direttament applikabbli fl-Istati Membri. Il-Ftehim ŻEE lanqas ma jipprevedi l-konferiment ta’ poteri ġudizzjali. Fl-istess waqt, is-sħubija mal-UE tippermetti li l-Islanda tiġi rappreżentata fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.7   Minkejja li għandha relazzjonijiet stretti mal-UE, sa ftit ilu l-Islanda għażlet li tibqa’ barra mill-Unjoni. B’mod ġenerali, din il-pożizzjoni hija dovuta għal diversi fatturi, u l-aktar importanti fosthom hija x-xewqa li jinżamm il-kontroll nazzjonali fuq ir-riżorsi tas-sajd. Il-Politika Agrikola Komuni wkoll ma tantx tintlaqa’ tajjeb mill-bdiewa Islandiżi li jibżgħu mill-kompetizzjoni ta’ prodotti orħos minn pajjiżi Ewropej oħra. It-tendenzi nazzjonalistiċi huma b’saħħithom f’ċerti partijiet tal-popolazzjoni fl-Islanda u wħud minn dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet ġeneralment ma kinux lesti li jippromovu xi ħaġa li tista’ titqies bħala attakk fuq is-sovranità tal-pajjiż. L-iżolazzjoni ġeografika tal-Islanda, ir-relazzjoni speċjali tagħha fir-rigward tas-sigurtà mal-Istati Uniti matul is-snin tal-Gwerra Bierda, id-daqs żgħir tal-amministrazzjoni tagħha u s-sistema elettorali magħmula b’tali mod li tipprivileġġja ż-żoni rurali xi kultant jissemmew ukoll bħala kawżi potenzjali tal-politika tal-Islanda fil-konfront tal-UE. Fl-aħħar nett, sa meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, kien jidher li, b’mod ġenerali, il-Ftehim -ŻEE kien qiegħed jaqdi biżżejjed l-interessi tal-Islanda.

3.8   Minkejja l-fatturi msemmija hawn fuq, partijiet kbar tal-popolazzjoni kienu favur rabtiet stretti mal-UE matul is-snin. Il-kollass tas-sistema finanzjarja Islandiża f’Ottubru 2008 wassal għal aktar bidla fl-opinjoni favur sħubija mal-UE u l-adozzjoni tal-euro. F’Lulju 2009, il-Parlament Islandiż ivvota favur l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE. Madankollu, il-fehma pubblika u l-partiti politiċi fl-Islanda baqgħu mifrudin dwar il-kwistjoni.

3.9   L-isħubija tal-Islanda ser tkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għall-Islanda stess. L-UE tgawdi minn ċerta unità ġeografika u testendi l-influwenza tagħha saż-żona tal-Artiku, inkluża l-possibbiltà li tipparteċipa fil-Kunsill Artiku. Għall-Islanda, l-adeżjoni mal-UE ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fit-tiftix ta’ forom aktar effettivi ta’ governanza multilaterali fl-Artiku. L-isħubija tkun ta’ benefiċċju wkoll biex terġa’ trodd il-kredibbiltà internazzjonali tal-pajjiż u tikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-munita u l-ekonomija inġenerali. Bħala Stat Membru tal-UE, l-Islanda għandha ħafna x’toffri għall-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, għall-iżvilupp u l-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u għal ekonomija li tirrispetta aktar l-ambjent fl-UE.

3.10   Għad fadal diversi sfidi peress li diversi setturi importanti ma jidħlux fl-ambitu tal-applikazzjoni taż-ŻEE jew tal-Ftehim Schengen. Xi wħud minn dawn wisq probabbli ser joħolqu xi diffikultajiet matul in-negozjati. Is-sajd u l-agrikoltura wisq probabbli ser ikunu punti partikolarment problematiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dawn l-oqsma ser jaqdu rwol importanti fil-proċess tal-adeżjoni. Il-proċess tal-adeżjoni għandu jkun fuq bażi volontarja, kunsenswali u bilaterali, fejn l-ebda parti ma tħossha obbligata mill-parti l-oħra li tidħol f’impenji li ma tkunx lesta li tonora.

4.   Is-sitwazzjoni soċjoekonomika

4.1   Tradizzjonalment, l-ekonomija tal-Islanda hija bbażata prinċipalment fuq is-sajd, u s-sajd għadu jirrappreżenta kważi nofs l-esportazzjonijiet fil-merkanzija tal-Islanda. Dan l-aħħar, il-produzzjoni tal-aluminju u t-turiżmu wkoll saru industriji importanti. Fis-snin disgħin, l-Islanda bdiet proċess ta’ deregolazzjoni, liberalizzazzjoni u diversifikazzjoni tal-ekonomija, u ħolqot settur finanzjarju kbir. Minħabba espożizzjoni żejda, nuqqas ta’ superviżjoni adegwata tas-settur finanzjarju u d-daqs kbir tal-banek meta mqabbel mal-ekonomija nazzjonali, is-settur bankarju Islandiż ikkollassa fid-dawl tal-kriżi finanzjarja globali. It-telf tal-banek ilkoll flimkien kien għaxar darbiet iktar mill-PDG tal-Islanda (1). Dan wassal għal reċessjoni profonda b’konsegwenzi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi.

4.2   Il-Krona Islandiża ddeprezzat b’mod sinifikattiv u dan wassal għal inflazzjoni għolja, żieda fil-qgħad, tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi, numru kbir ta’ kumpaniji li fallew u tnaqqis fil-konsum privat. It-taxxi (fuq il-kapital, id-dħul, is-sisa u r-rati tal-VAT) żdiedu wkoll, ġiet introdotta sistema fiskali ġdida fuq id-dħul personali fuq tliet livelli, u tbaxxew diversi benefiċċji bħal-leave tal-maternità/paternità u l-benefiċċji tal-għajnuna għat-tfal. L-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni u s-saħħa wkoll tnaqqas. Ħafna familji Islandiżi sofrew minħabba li tilfu proporzjon kbir tat-tfaddil tagħhom u/jew tad-dħul. Madankollu, biex tittaffa s-severità tal-kriżi, għaddej ristrutturar estensiv tad-dejn kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. Fir-rigward tal-individwi, jeżisti qafas speċjali ta’ ristrutturar tad-dejn barra l-qorti għall-familji f’diffikultajiet serji (2).

4.3   Fid-dawl tal-kriżi, il-livell tad-dejn nazzjonali żdied. Proporzjon kbir ta’ dan id-dejn huwa riżultat tal-obbligi tal-Icesave. Skont id-Direttiva dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (94/19/KE), l-Islanda għandha tirrimborża lid-depożituri sa EUR 20 000 kull kont. L-Islanda qablet li tonora dawn l-obbligi. Madankollu, il-kontroversja relatata mal-Icesave, li għadha trid tiġi solvuta, hija relatata mat-termini u l-kondizzjonijiet li bihom l-Islanda għandha tħallas lura lill-gvernijiet Ingliżi u Daniżi li rrimborżaw lid-depożituri tagħhom.

4.4   L-Islanda adottat diversi miżuri biex tiġġieled kontra l-kriżi. It-tliet banek prinċipali ġew nazzjonalizzati, ristrutturati u rikapitalizzati. Ġew implimentati miżuri ta’ salvagwardja tal-bilanċ tal-pagamenti, li llimitaw il-flussi ta’ kapital internazzjonali biex jiġi evitat il-ħruġ ta’ munita barranija u żvalutazzjoni ulterjuri tal-Korona Islandiża. Il-Bank Ċentrali beda t-tneħħija gradwali ta’ dawn il-kontrolli f’Ottubru 2009. Ġie stabbilit Ministeru ġdid tal-Affarijiet Ekonomiċi, inbidlet il-governanza tal-Bank Ċentrali u ssaħħaħ ir-rwol tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja. Il-gvern nieda wkoll investigazzjoni komprensiva tal-avvenimenti li wasslu għall-kriżi, bil-ħatra ta’ Kummissjoni Speċjali ta’ Inkjesta u Prosekutur Speċjali.

4.5   Il-gvern talab ukoll l-assistenza tal-komunità internazzjonali, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-hekk imsejjaħ Stand-by Arrangement tal-FMI għall-Islanda huwa ta’ $2,1 biljun u $2,75 biljun addizzjonali mill-pajjiżi Nordiċi l-oħra, il-Polonja u l-Gżejjer Faeroe. Il-programm ekonomiku appoġġjat mill-FMI jinkludi miżuri mmirati biex jistabbilizzaw ir-rata tal-kambju u jistabbilixxu mill-ġdid il-fiduċja fil-politika monetarja, tiġi riveduta l-politika fiskali u jinżamm livell maniġabbli tad-dejn fis-settur pubbliku, jiġi ristrutturat is-settur finanzjarju u l-qafas regolatorju tiegħu u jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tad-dejn tal-familji u tal-impriżi. Fl-aħħar ta’ Settembru 2010, il-FMI approva t-tielet verifika tal-Programm ta’ Rkupru Ekonomiku tal-Islanda.

4.6   L-istabbilizzazzjoni makroekonomika tal-Islanda għadha mhux lesta u l-konsolidazzjoni fiskali għadha sfida prinċipali. Biex jissaħħaħ il-qafas fiskali, ser jiġi adottat pjan ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq medda ta’ 4 snin. Diġà hemm sinjali ta’ titjib. Il-FMI jikkalkula li l-ekonomija għandha tesperjenza tkabbir pożittiv sat-tieni nofs tal-2010, bis-saħħa tal-bażi ekonomika b’saħħitha fl-Islanda (2). L-inflazzjoni qiegħda tonqos u r-rata tal-kambju stabbilizzat ruħha. Il-banek kummerċjali ġodda ġew rikapitalizzati u tlestew riformi estensivi tar-regolamenti dwar is-suq finanzjarju. Ir-rati tal-qgħad ma laħqux il-livelli mbassra ta’ ’l fuq minn 10 %.

4.7   L-imsieħba soċjali qdew rwol prinċipali fil-pjan tal-irkupru ekonomiku tal-Islanda. Il-gvern u l-imsieħba soċjali ffirmaw “patt ta’ stabbiltà” f’Ġunju 2009 u l-baġit tal-2010 jirrifletti dan il-ftehim. L-għan tal-patt kien li jiġi assigurat kunsens soċjali għall-miżuri neċessarji ta’ aġġustament. Madankollu, peress li primarjament dan involva lill-imsieħba soċjali, xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ħassewhom esklużi minn dan il-proċess. F’Marzu 2010, il-Konfederazzjoni Islandiża ta’ Min Iħaddem irtirat mill-patt u sostniet li l-patt kien inkiser u akkużat lill-gvern li mhux kapaċi jżomm il-wegħdiet tiegħu.

4.8   Fuq il-perijodu medju u fit-tul, l-Islanda għandha suq tax-xogħol relattivament flessibbli b’rata għolja ta’ parteċipazzjoni, forza tax-xogħol pjuttost żagħżugħa u edukata tajjeb u bażi soda ta’ riżorsi li tinkludi żoni rikki ta’ sajd u sorsi vasti ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, huwa probabbli li maż-żmien l-Islanda tegħleb kompletament l-ostakli ekonomiċi attwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea temmen li jekk l-Islanda tikkonforma mal-acquis fiż-żona tal-politika ekonomika u monetarja, il-parteċipazzjoni tagħha fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja m’għandhiex toħloq problemi kbar.

5.   Is-soċjetà ċivili fl-Islanda

5.1   L-Islanda għandha esperjenza vasta ta’ parteċipazzjoni attiva mis-soċjetà ċivili. B’mod partikolari minħabba d-daqs żgħir tas-soċjetà Islandiża, il-gruppi ta’ interess għandhom rabtiet stretti ħafna u ta’ spiss personali mal-gvern u pparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Fil-fatt, xi gruppi ta’ interess bħall-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u s-sajjieda u t-trejdjunjins tradizzjonalment għandhom rabtiet stretti ħafna ma’ partiti politiċi partikolari.

5.2   Biex jiġu kontrobbilanċjati l-limiti ta’ amministrazzjoni żgħira, il-Gvern Islandiż jaħdem mill-qrib ma’ gruppi ta’ interess lokali li huma attivi fil-livell tal-UE, u sikwit jiddependi minnhom biex jiġbor l-informazzjoni u jissensibilizza iżjed lil Brussell dwar il-kwistjonijiet li jolqtu lill-Islanda. Madankollu, l-aktar rwol importanti tal-gruppi ta’ interess huwa pjuttost dak li jiġbru l-informazzjoni u jfasslu strateġiji iktar milli jinfluwenzaw il-politika tal-UE, ħlief f’oqsma bħall-politika soċjali, fejn l-imsieħba soċjali huma partikolarment attivi u għandhom aċċess dirett għall-proċess tat-tfassil tal-politika.

5.3   B’konformità mal-Artikolu 74 tal-Kostituzzjoni, bħalma jeżisti f’pajjiżi Nordiċi oħra, jista’ jiġi ffurmat kull tip ta’ assoċjazzjoni mingħajr permess minn qabel, u assoċjazzjoni ta’ din ix-xorta ma tistax tinħall b’deċizjoni amministrattiva. L-assoċjazzjonijiet iridu jkunu reġistrati mal-uffiċċju tar-Reġistratur Nazzjonali biex jiksbu numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali għal finijiet fiskali u jrid ikollhom indirizz uffiċjali. L-attivitajiet tat-trejdjunjins huma rregolati mill-Att tat-Trejdjunjins u l-Kontroversji Industrijali.

5.4   Ħafna organizzazzjonijiet Islandiżi għandhom affinitajiet b’saħħithom u dejjiema mal-kontropartijiet Nordiċi tagħhom. Dawn ir-rabtiet jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet Islandiżi jaqsmu l-aħjar prattiki u jitgħallmu mill-esperjenzi tal-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom matul il-perijodu tal-adeżjoni tal-pajjiżi tagħhom mal-UE.

5.5   Madankollu, is-seduta pubblika li saret mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Islanda indikat li meta mqabbla mal-organizzazzjonijiet li huma rappreżentanti mill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-oħra jikkonċentraw l-aktar fuq l-affarijiet interni tagħhom. Kooperazzjoni msaħħa għandha twassal biex tikkonvinċihom jadottaw viżjoni usa’ tar-rwol tagħhom fl-Islanda, speċjalment tar-rwol tagħhom fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE, u għandu jkun possibbli wkoll li l-organizzazzjonijiet tal-UE jitgħallmu mill-kontropartijiet Islandiżi tagħhom.

5.6   L-Islanda applikat il-mudell ekonomiku u soċjali Nordiku, li huwa kkaratterizzat minn livell għoli ta’ għajnuna statali b’benefiċċji soċjali ġenerużi. L-imsieħba soċjali fuq iż-żewġ naħat tas-suq tax-xogħol jipparteċipaw b’mod attiv fid-djalogu soċjali bil-għan li jkun hemm skambju tal-informazzjoni u jiġu solvuti diversi kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi importanti. Id-dispożizzjonijiet soċjali ġeneralment huma stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi minflok fil-liġi.

5.7   Fl-Islanda, l-iżviluppi jixbhu ħafna lil dawk tal-pajjiżi Nordiċi ġirien, ikkaretterizzati minn żieda fl-infiq pubbliku. L-urbanizzazzjoni u l-bidliet fl-istruttura tas-soċjetà wasslu għall-ħolqien ta’ diversi gruppi ta’ interess, primarjament trejdjunjins, kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-bdiewa. Fis-snin bikrin, il-gruppi ta’ interess kienu ftit iżda b’saħħithom, b’rabtiet stretti ma’ partiti politiċi partikolari li kienu jaqdu l-interessi tagħhom.

5.8   Matul l-aħħar nofs tas-seklu 20, in-numru ta’ gruppi kiber hekk kif is-soċjetà saret iktar diversa. Biż-żieda fid-diversità ddgħajfu r-rabtiet bejn partiti politiċi partikolari u l-gruppi potenti ta’ interess. Madankollu, f’soċjetà żgħira bħal dik tal-Islanda, id-distanza bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern hija inevitabbilment qasira.

5.9   Filwaqt li l-mudell Islandiż huwa, f’diversi modi, simili għal dak tal-pajjiżi Nordiċi, huwa differenti mill-mudell Nordiku bażiku f’ċerti aspetti. L-iżviluppi fl-Islanda kienu aktar bil-mod u l-infiq fil-qasam tal-benefiċċji soċjali tradizzjonalment kien inqas fl-Islanda meta mqabbel ma’ dak tal-pajjiżi Nordiċi. Il-politiki tal-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni kienu prominenti fis-snin disgħin iżda minħabba l-kollass finanzjarju, is-sistema tal-benefiċċji soċjali tnaqqset sostanzjalment. Madankollu, fil-pajjiżi Nordiċi, il-mudell tal-benefiċċji soċjali ġeneralment jintlaqa’ tajjeb mill-partiti xellugin kif ukoll dawk leminin tas-sistema politika, u dan jgħodd ukoll għall-Islanda minkejja li x-xena politika hija karatterizzata b’mod predominanti mill-koalizzjonijiet tal-lemin-ċentrali. L-imsieħba soċjali qdew rwol importanti fil-proċess ta’ politika.

5.10   Mis-sedua pubblika ħareġ li s-soċjetà ċivili fl-Islanda hija maqsuma dwar il-kwistjoni tas-sħubija mal-UE. B’mod partikolari, l-assoċjazzjoni tas-sajjieda u l-bdiewa jopponu s-sħubija mal-UE filwaqt li l-organizzazzjonijiet bħall-Konfederazzjoni tax-Xogħol u l-Federazzjoni tal-Industriji huma favur. Ħafna organizzazzjonijiet fl-Islanda huma newtrali dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li d-demokrazija hija estremament qawwija fl-Islanda, ir-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija relattivament dgħajfa u dan iwassal għal vuċi inqas ibbilanċjata mis-soċjetà ċivili.

6.   Organizzazzjonijiet prinċipali u l-pożizzjoni tagħhom fid-dibattitu tal-UE

6.1   L-imsieħba soċjali

6.1.1   Il-Konfederazzjoni Islandiża tax-Xogħol (ASI) hija l-organizzazzjoni prinċipali tat-trejdjunjins fl-Islanda u tirrappreżenta il-ħaddiema ġenerali, l-impjegati tal-uffiċċju u tal-bejgħ bl-imnut, il-baħħara, il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u fl-industrija, il-ħaddiema fis-settur tal-elettriku u diversi professjonijiet oħra fis-settur privat u parti mis-settur pubbliku, għalkemm il-maġġoranza tal-ħaddiema fis-settur pubbliku huma rrappreżentati mill-Federazzjoni tal-Impjegati Statali u Muniċipali (BSRB). Iż-żewġ organizzazzjonijiet huma membri tal-KETU. It-tielet tip ta’ organizzazzjoni ċentrali, l-Assoċjazzjoni tal-Akkademiċi (BHM), tlaqqa’ l-impjegati tas-settur pubbliku u privat li għandhom grad universitarju.

6.1.2   Organizzazzjoni oħra li tixbah l-ASI iżda fil-livell tal-maniġment, u li hija membru tal-BUSINESSEUROPE, hija l-Konfederazzjoni Islandiża ta’ Min Iħaddem (SA). L-SA tħaddan tmien assoċjazzjonijiet f’oqsma diversi bħall-enerġija, it-turiżmu, il-finanzi u s-sajd. Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet jaqdu rwol prinċipali fil-koordinazzjoni tal-politiki fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-ambjent u s-suq tax-xogħol. Organizzazzjoni oħra attiva fil-livell tal-UE u li wkoll tagħmel parti minn BUSINESSEUROPE hija l-Federazzjoni tal-Industriji Islandiżi (SI), li hija membru tal-SA.

6.1.3   Il-Konfederazzjoni ta’ Min Iħaddem u l-Konfederazzjoni tax-Xogħol jipparteċipaw f’numru ta’ kumitati u bords ta’ korpi pubbliċi sabiex jipproteġu l-interessi tal-membri rispettivi tagħhom matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, pereżempju l-Amministrazzjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-Islanda, il-Kunsill għall-Ugwaljanza u l-Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija. Jinsabu wkoll f’kuntatt mill-qrib mal-gvern fir-rigward tal-preparazzjoni u t-tiġdid tal-kuntratti tal-pagi. L-imsieħba soċjali jaħdmu f’kollaborazzjoni stretta fir-rigward ta’ interessi komuni fl-oqsma tal-ugwaljanza, il-protezzjoni tax-xogħol u t-tixrid tal-informazzjoni.

6.1.4   L-imsieħba soċjali fl-Islanda diġà jinsabu integrati tajjeb fil-proċess ta’ politika tal-UE. Isegwu mill-qrib il-proċedura leġislattiva tal-UE, peress li l-politiki tal-UE li jiġu adottati permezz tal-Ftehim ŻEE jolqtuhom.

6.1.5   Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tax-xogħol u ta’ min iħaddem fl-Istati EFTA għandhom rabtiet mal-KESE permezz tal-Kumitat Konsultattiv taż-ŻEE, li jagħmel parti mill-istruttura istituzzjonali taż-ŻEE. Il-forum iservi ta’ rabta bejn l-imsieħba soċjali fil-pajjiżi EFTA u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE. Għall-kuntrarju tal-KESE, il-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-EFTA jinkludu biss l-organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi u ta’ min iħaddem. Indubbjament, din hija limitazzjoni peress li mhux l-atturi kollha jiġu involuti fid-djalogu ċivili.

6.1.6   L-imsieħba soċjali fl-Islanda ġeneralment huma pjuttost pożittivi lejn l-integrazzjoni Ewropea, għalkemm hemm fehmiet diversi. L-ASI fil-bidu kienet xettika mis-sħubija tal-Islanda maż-ŻEE, iżda fl-2000 irrevediet il-politika tagħha wara li kkonstatat li ż-ŻEE tħalli diversi benefiċċji għall-ħaddiema Islandiżi. L-ASI issa hija favur in-negozjati tal-adeżjoni mal-UE u l-adozzjoni tal-euro peress li temmen li l-interessi tal-forza tax-xogħol Islandiża u l-istabbiltà ġenerali tal-ekonomija ser ikunu garantiti aħjar permezz ta’ integrazzjoni sħiħa fl-UE. Madankollu, hija tal-fehma li, matul in-negozjati tal-adeżjoni, għandha ssir enfasi fuq li jinżamm kontroll sħiħ taż-żona ekonomika esklużiva tal-Islanda fir-rigward tas-sajd u li l-appoġġ għall-agrikoltura Islandiża għandu jiġi garantit. Il-BSRB, li tirrappreżenta l-impjegati fis-settur pubbliku, għad m’għandhiex opinjoni uffiċjali dwar is-sħubija, għalkemm tilqa’ b’sodisfazzjon id-diskussjonijiet miftuħa relatati man-negozjati.

6.1.7   Min-naħa ta’ dawk li jħaddmu, l-SA għandha l-għan li ssewgi mill-qrib it-taħditiet dwar is-sħubija, iżda adottat pożizzjoni newtrali dwar is-sħubija mal-UE peress li l-assoċjazzjonijiet membri tagħha ma jaqblux dwar il-kwistjoni. L-SI, pereżempju, hija favur is-sħubija u targumenta li l-ekonomija Islandiża mhix stabbli minħabba ċ-ċaqliq fil-munita u li l-integrazzjoni mal-UE u l-adozzjoni tal-euro jsaħħu l-kompetittività u jwasslu għal kondizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-industriji Islandiżi.

6.2   Is-settur tas-sajd

6.2.1   Il-Federazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tas-Sajd (LIU) u l-Federazzjoni tal-Impjanti tal-Ipproċessar tal-Ħut, min-naħa l-oħra, jopponu bil-qawwa s-sħubija mal-UE. Dawk li għandhom interess fl-industrija tas-sajd isibuha bi tqila jissieħbu fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għax din tippermetti investiment barrani fis-settur u tagħti lil Brussell il-poter li tistabbilixxi l-kwota ta’ qabda totali permissibbli ġewwa ż-Żona Ekonomika Esklużiva ta’ 200 mil tal-Islanda. Għalkemm bħala Stat Membru l-Islanda tipparteċipa bi sħiħ fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jemmnu li minħabba d-daqs tiegħu, il-pajjiż ma jkunx jista’ jinfluwenza biżżejjed id-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. L-Islanda titlef ukoll id-dritt li tikkonkludi l-ftehimiet tagħha ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-sajd ta’ ħażniet transżonali li jkopru 30 % tal-qbid tal-Islanda. L-LIU tafferma li r-rimi u s-sajd eċċessiv huma problemi serji fl-UE filwaqt li fl-Islanda, is-settur tas-sajd iħalli profitt. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda garanzija li bl-adeżjoni mal-UE ser jinżamm il-prinċipju tal-istabbiltà relattiva.

6.2.2   Madankollu, f’Awwissu 2010, waqt programm fuq ir-radju Islandiż RÚV, il-President tal-LIU qal li l-Islanda għandha tkompli bid-diskussjonijiet tagħha dwar l-adeżjoni mal-UE u għandha tħabrek biex tikseb “l-aħjar kondizzjonijiet possibbli”, u qal ukoll li ma jagħmilx sens li issa tiġi rtirata l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE.

6.2.3   Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Islanda reġgħet bdiet bil-qbid tal-baleni bi skop kummerċjali fl-2006 probabbilment ser ikun kwistjoni taħraq peress li dan jikkontradixxi l-politika tal-UE u, jekk ma tinstabx soluzzjoni, jista’ jikkostitwixxi ostaklu serju fit-triq tal-adeżjoni tal-Islanda.

6.2.4   Il-PKS attwalment tinsab f’fażi ta’ reviżjoni u l-modifiki ppjanati probabbilment ser iqarrbuha lejn il-mudell Islandiż. Madankollu, in-negozjati dwar is-sħubija tal-Islanda ser ikunu bbażati fuq l-acquis attwali u għalhekk hemm diversi punti ta’ kunflitt potenzjali. Qed jitbassar li s-sajd probabbilment ser ikun l-aktar kwistjoni importanti fin-negozjati tal-adeżjoni tal-Islanda. Il-gruppi ta’ pressjoni fis-settur tas-sajd għandhom influwenza enormi fil-proċess ta’ politika u probabbilment ser jaqdu rwol prinċipali fid-dibattitu dwar is-sħubija mal-UE, peress li d-dħul per capita mis-sajd fl-Islanda huwa ħafna akbar minn dak ta’ xi Stat Membru ieħor tal-UE.

6.3   Is-settur agrikolu

6.3.1   Organizzazzjoni oħra li għandha tradizzjoni twila ta’ parteċipazzjoni politika hija l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa. Tradizzjonalment, il-bdiewa huma forza qawwija fl-Islanda b’rabtiet mill-qrib mal-gvern, għalkemm l-influwenza tagħhom iddgħajfet matul is-snin peress li s-settur m’għadux kbir bħal qabel. Bħal-LIU, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa ssegwi l-proċedura leġislattiva tal-UE mill-qrib. Din l-Assoċjazzjoni hija organizzazzjoni msieħba tal-COPA/COCEGA u għalhekk sa ċertu punt tipparteċipa b’mod limitat. Din l-organizzazzjoni Ewropea, li tlaqqa’ l-bdiewa u l-kooperattivi tagħhom, tiffoka l-aktar fuq kwistjonijiet relatati mal-UE.

6.3.2   L-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa topponi bil-qawwa s-sħubija mal-UE u ssostni li din twassal għal telf kbir ta’ impjiegi fl-agrikoltura u għandha impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel fil-pajjiż. Ir-raġunament prinċipali għal dan l-argument huwa li l-Islanda jkollha tippermetti l-importazzjonijiet illimitati ta’ prodotti agrikoli mill-UE, li jagħmilha diffiċli għall-bdiewa Islandiżi li jikkompetu. Madankollu, ir-Regolament tal-UE dwar il-Liġi dwar l-Ikel li jassigura s-sigurtà tal-ikel (3) diġà jagħmel parti mill-Ftehim ŻEE u ser jidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-2011. Matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell nazzjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa ħabirket bis-sħiħ u rnexxielha żżomm il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ laħam frisk fil-leġislazzjoni Islandiża, anke jekk probjbizzjoni bħal din hija bla dubju inkonsistenti mal-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-UE. Skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim ŻEE, l-Islanda aċċettat ukoll il-kwoti u l-konċessjonijiet mingħajr tariffi li japplikaw għal prodotti speċifiċi, u dan iħasseb lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.

6.3.3   L-agrikoltura ser tkun settur prinċipali matul in-negozjati tal-adeżjoni u l-appoġġ espliċitu għall-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tan-nagħaġ u biedja tradizzjonali oħra ser ikunu fost l-objettivi tal-Islanda. Skema ta’ għajnuna nazzjonali fuq perijodu fit-tul simili għal dawk ta’ reġjuni oħrajn tal-UE li jinsabu fit-Tramuntana tat-62 parallel tista’ tgħin issostni l-attività agrikola f’dawn is-setturi ta’ densità baxxa ta’ popolazzjoni u kondizzjonijiet diffiċli ta’ klima.

6.4   Is-settur ambjentali

6.4.1   Jeżistu numru ta’ gruppi ambjentali attivi fl-Islanda. Il-gruppi ambjentali fl-UE ġeneralment isegwu mill-qrib il-politika ambjentali tal-UE, huma attivi fil-livell Ewropew u huma wkoll membri ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Dan ma jidhirx li kien daqshekk importanti għall-gruppi ambjentalisti Islandiżi matul is-snin, għalkemm xi wħud minnhom għandhom xi affiljazzjonijiet internazzjonali.

6.4.2   Hemm numru ta’ spjegazzjonijiet possibbli għal dan. L-ewwel nett, il-gruppi ta’ interess Ewropej huma favur il-politiki kontra l-qbid tal-baleni, u dan jista’ jfisser li l-gruppi ambjentalisti Islandiżi ma jħossux affinità mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom. It-tieni nett, il-gruppi ambjentalisti Islandiżi, bħal Landvernd, primarjament jiffokaw fuq il-problema tat-taħfir tal-ħamrija, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali fl-Islanda, u ta’ sikwit jopponu l-kostruzzjoni ta’ diegi idroelettriċi biex tiżdied il-produzzjoni tal-aluminju. Minkejja li l-Ftehim ŻEE jkopri l-maġġoranza tal-politika ambjentali tal-UE, dan ma jinkludix il-leġislazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali. Fl-aħħar nett, il-gruppi ambjentalisti fl-Islanda batew minn nuqqas ta’ fondi u riżorsi. Forsi għal dawn ir-raġunijiet, il-gruppi ambjentalisti Islandiżi huma inqas attivi meta mqabbla mal-ekwivalenti Ewropej tagħhom fil-livell tal-UE u ġeneralment s’issa ma kinux attivi ħafna fid-dibattitu dwar is-sħubija mal-UE. Landvernd pereżempju, għalkemm b’mod ġenerali jħoss li l-impatt tal-leġislazzjoni ambjentali Ewropea kien pożittiv, għadu ma adottax pożizzjoni uffiċjali dwar is-sħubija tal-UE. Dan il-grupp huwa ħerqan ukoll li jiċċara r-rwol li jista’ jaqdi fin-negozjati tal-adeżjoni, inkluża parteċipazzjoni aktar attiva fil-programmi tal-UE bħall-programm qafas għall-konservazzjoni tan-natura.

6.5   Il-protezzjoni tal-konsumatur

6.5.1   L-Għaqda tal-Konsumaturi tal-Islanda (NS) hija organizzazzjoni indipendenti, mhux governattiva u mingħajr skop ta’ qligħ li twaqqfet fl-1953. Hija attiva fil-livell Ewropew u membru ta’ organizzazzjonijiet ġeneriċi. L-NS, li diġà taħdem mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur tal-Islanda (ECC-Iceland) li jagħmel parti min-Netwerk taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur, għadha ma ħaditx pożizzjoni ċara favur jew kontra l-adeżjoni tal-Islanda mal-UE. Madankollu, l-NS ilha tal-femha li l-Islanda għandha teżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha tal-adeżjoni mal-UE. L-assemblea ġenerali tal-NS li saret fl-2008 kkonkludiet li l-Islanda għandha tapplika għas-sħubija mal-UE sabiex tara x’inhuma l-kwistjonijiet reali, b’tali mod li d-diskussjonijiet dwar l-UE jistgħu jitkomplew mingħajr preġudizzji u jkunu bbażati fuq il-fatti. Fl-2008, i kkummisjonat rapport dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-konsumaturi jekk l-Islanda tissieħeb mal-UE. Għalhekk, mingħajr ma tieħu pożizzjoni soda jew tadotta politika kontra jew favur l-UE, l-NS minn dejjem ħeġġet l-applikazzjoni għas-sħubija mal-UE u ppruvat tikkontribwixxi għat-tnedija tad-dibattitu dwar l-UE.

6.6   Organizzazzjonijiet oħrajn

6.6.1   Organizzazzjonijiet oħra importanti jinkludu l-Organizzazzjoni tal-Persuni b’Diżabilità, il-Kamra tal-Kummerċ, li hija membru tal-EUROCHAMBERS, il-Federazzjoni tal-Kummerċ u s-Servizzi, li hija membru tal-EUROCOMMERCE, il-Federazzjoni tal-Kummerċ Islandiż u diversi NGOs oħra. Attwalment, dawn l-organizzazzjonijiet għadhom ma adottawx fehmiet uffiċjali dwar is-sħubija mal-UE, għalkemm jistgħu jesprimu pożizzjoni favur jew kontra ċerti politiki Ewropej. Jeżistu wkoll gruppi speċjali favur jew kontra l-UE, bħall-Evrópusamtökin u l-Heimssýn.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ministru Islandiż tal-Affarijiet Barranin, Nota informattiva, Programm ta’ Rkupru Ekonomiku tal-Islanda, Ġunju 2010 http://www.mfa.is/media/MFA_pdf/Factsheet--Iceland%27s-Economic-Recovery-Program-June.pdf.

(2)  http://www.mfa.is/media/MFA_pdf/Factsheet--Iceland%27s-Economic-Recovery-Program-June.pdf.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel u l-atti relatati.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/15


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi’”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2011/C 54/03)

Relatur ġenerali: is-Sur PEZZINI

Nhar il-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompetittivi (COM(2010) 372 finali).

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (sessjoni tat-8 ta’ Diċembru), li jaħtar lis-Sur Pezzini bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’158 voti favur, 8 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaħseb li hemm bżonn ta’ pakkett ta’ miżuri bil-għan li tingħata spinta qawwija lil mudell ta’ enerġija sostenibbli u li jinħoloq qafas ta’ referenza sigur u stabbli għas-settur, li jinkludi l-ippjanar tal-enerġija b’konformità mas-sigurtà tal-provvista, fir-rigward tal-aspetti soċjali, territorjali u ambjentali u tal-pjani direzzjonali sal-2020-2050.

1.2   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi estiż ir-regolament fis-seħħ bħalissa dwar l-industrija tal-faħam (Regolament (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam) għall-istess perijodu tar-regolament li ser jiskadi, mingħajr ma dan jirrappreżenta piż żejjed fuq il-baġit tal-UE u mingħajr ma jiġu stabbiliti kondizzjonijiet għall-għeluq tal-minjieri, iżda bil-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investimenti u t-teknoloġija innovattiva tal-faħam nadif kif ukoll għat-taħriġ tal-persunal fil-qasam tal-materja prima strateġika. Jitlob li l-proposta tiġi emendata b’tali mod li tiffaċilita r-ristrutturazzjoni kompetittiva tal-minjieri tal-faħam u t-tisħiħ ta’ riserva strateġika Komunitarja.

1.3   Il-KESE jitlob li ssir verifika f’nofs it-term tal-kondizzjonijiet ta’ kompetittività tal-faħam nadif meta mqabbla mal-livelli ta’ kompetittività tar-riżorsi indiġeni tal-enerġija l-oħra tal-UE sal-2020, mal-għajnuna li ngħatat lis-sorsi indiġeni l-oħra tal-enerġija, mal-promozzjoni tal-użu tal-faħam fis-swieq dinjija, mal-volatilità tal-prezzijiet internazzjonali tal-karburanti fossili, mal-valur miżjud Ewropew tar-riżorsi indiġeni, kif ukoll mal-ispejjeż għar-rikonverżjoni tal-impjanti tal-elettriku u tar-riabilitazzjoni ta’ minjieri li m’għadhomx jintużaw.

1.4   Skont il-Kumitat, din il-verifika fl-2014 għandha ssir b’rabta mill-qrib mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-politika l-ġdida Komunitarja dwar l-enerġija (ara l-Artikolu 194) u b’konformità mal-istrateġija tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija u ta’ aċċess għar-riżorsi kif ukoll mal-politiki Komunitarji l-oħra dwar l-industriji, il-kummerċ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.5   Il-Kumitat jitlob li jiġi ppreżentat rapport f’nofs it-term fl-2015 lill-PE, lill-Kunsill u lill-Kumitat stess dwar il-kompetittività tal-industrija tal-faħam fl-Ewropa, li jmur lil hinn mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-kriżi attwali, b’rabta mal-parametri msemmija hawn fuq tad-definizzjoni tat-termini relatati ma’ din l-industrija u li joħroġ fid-dieher il-progressi li saru fil-qasam strateġiku, ekonomiku, teknoloġiku, soċjali u ambjentali kif ukoll fir-rigward tat-tnaqqis tad-dipendenza mill-enerġija.

1.6   Il-KESE ifakkar li l-UE għandha pożizzjoni ta’ tmexxija fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ta’ enerġija nadifa, b’mod partikolari fit-tekniki għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS), kif ukoll fit-teknoloġiji tal-faħam nadif, il-poliġenerazzjoni abbażi tal-faħam, u l-ġenerazzjoni ta’ enerġija għal soluzzjonijiet integrati b’emissjonijiet żero (1), li jagħmlu parti integrali mis-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku 2007-2013 tal-Unjoni Ewropea.

1.7   Il-KESE jenfasizza l-fatt li m’hemmx problemi ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew peress li, kif stqarret il-Kummissjoni stess, m’hemm l-ebda skambju sinifikanti ta’ faħam bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari għax l-istallazzjonijiet teknoloġiċi tal-impjanti tal-elettriku huma kkalibrati għal tipi partikolari ta’ faħam.

1.8   Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1407/2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam huwa aktar validu minn qatt qabel, b’mod partikolari minħabba li:

“l-iżbilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-faħam Komunitarju u l-faħam importat wassal biex tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin l-industrija tal-faħam tadotta miżuri importanti ta’ ristrutturazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ attività;

il-Komunità saret dejjem aktar dipendenti mill-importazzjoni ta’ sorsi primarji ta’ enerġija;

is-sitwazzjoni politika dinjija tagħti dimensjoni kompletament ġdida lill-valutazzjoni tar-riskji ġeopolitiċi u tar-riskji ta’ sigurtà fil-qasam tal-enerġija u sens usa’ lill-kunċett ta’ sigurtà ta’ provvista.”

1.9   Għal dawn ir-raġunijiet, u minħabba l-fattur strateġiku li jirrappreżentaw ir-riżorsi tal-enerġija, il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm transizzjoni effikaċi lejn mudell Ewropew ġdid ta’ enerġija sostenibbli kkaratterizzat minn taħlita diversifikata li tinkludi s-sorsi kollha ta’ enerġija, it-teknoloġiji mmirati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jniġġsu u skadenzi realistiċi għall-implimentazzjoni billi jiġu introdotti u jinżammu elementi li jagħmluh anqas dipendenti minn riżorsi esterni.

1.10   Fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija, tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ sustanzi oħra li jniġġsu, il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jintlaħaq kunsens demokratiku u parteċipattiv; għaldaqstant jitlob bis-saħħa biex jissaħħaħ u jiġi strutturat aħjar, fil-livelli kollha, id-djalogu soċjali settorjali fi ħdan l-industrija tal-faħam fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni fir-reġjuni li jipproduċu l-faħam u li għalihom, fis-sitwazzjoni attwali ta’ kriżi globali, l-għeluq tal-attività tfisser telf ta’ aktar minn 300 000 impjieg f’territorji speċifiċi ħafna.

2.   Introduzzjoni

2.1   Bħalissa, il-produzzjoni tal-faħam (2) tal-UE tammonta għal ekwivalenti ta’ madwar 288 miljun tunnellata ta’ faħam (Mtce), li 122 Mtce minnhom huma antraċit (hard coal). Il-faħam tipikament jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew tas-sħana jew għall-produzzjoni tal-azzar u għal proċessi industrijali oħra. Il-Polonja u l-Ġermanja huma l-akbar produtturi tal-faħam fl-UE.

2.2   Mill-għaxar Stati Membri li jipproduċu l-antraċit, sitt pajjiżi jipprovdu tal-anqas xi forma ta’ għajnuna mill-Istat: l-aktar il-Ġermanja u Spanja, u sa ċertu punt l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja (is-Slovenja tati għajnuna biss lil minjieri li diġà huma magħluqin).

2.3   It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tal-1951 kien jistipula regoli ċari dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jagħtu għajnuna lill-kumpaniji fl-industrija tal-faħam u l-azzar: kif stipulat f’dan it-Trattat, is-sussidji jew l-għajnuna mill-Istat, fi kwalunkwe forma, mhumiex kompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u huma pprojbiti fi ħdan il-Komunità. Din il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ għall-kumpaniji min-naħa tal-Istati individwali, stabbilita fl-Artikolu 4(c), kienet konsegwenza loġika tat-tneħħija tal-miżuri nazzjonali kollha ta’ protezzjoni fi ħdan is-suq komuni.

2.4   Madankollu, wara l-istabbilment tas-suq komuni, malajr ħareġ fid-dieher li ma kienx ser ikun possibbli li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Għalhekk, l-Artikolu 95, jiġifieri d-dispożizzjoni adottata biex tkopri ċirkostanzi mhux previsti ladarba t-Trattat ġie ffirmat, beda jintuża bħala bażi biex jiġi permess ċertu tip ta’ għajnuna Komunitarja. Dan għamilha possibbli li jkun hemm intervent Komunitarju fejn meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat.

2.5   Meta t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam, li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Bejn l-2003 u l-2008 ġiet approvata għajnuna ta’ aktar minn EUR 26 biljun għas-settur.

2.6   Il-Kumitat esprima l-opinjoni tiegħu dwar din l-iskema ta’ għajnuna (3), u appoġġa l-fehma tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li regolament bil-għan li jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u li jipprovdi bażi soda għall-enerġija primarja fl-istess waqt ma jistax jirrikjedi tnaqqis kontinwu tal-għajnuna kollha għall-industrija tal-faħam.

2.7   Il-Kumitat laqa’ l-fatt li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jżommu livell minimu u stabbli ta’ produzzjoni tal-antraċit indiġenu, li jagħmilha possibbli li jkun hemm aċċess għal depożiti sostanzjali. Dan kien ifisser iż-żamma ta’ infrastruttura operattiva, enfasi qawwija u miżuri speċifiċi fil-qasam sensittiv tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol, kwalifiki professjonali tajbin u għarfien espert teknoloġiku.

2.8   Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza li jingħata kontribut attiv lil dan is-settur speċifiku fil-qafas tal-materja prima strateġika biex tagħmel l-Ewropa aktar attraenti għall-investituri u għal min iħaddem, issaħħaħ il-kompetittività tan-negozju u l-koeżjoni soċjali, tħeġġeġ ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fl-aħħar biex tippromovi l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ ħiliet ġodda u t-taħriġ tar-riżorsi umani (4).

2.9   Bl-istess mod, il-Kumitat innota li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq l-għajnuna mill-Istat li għandha effett sinifikanti fuq il-kummerċ minflok taħli r-riżorsi tagħha biex tanalizza ammont kbir ta’ każijiet li huma l-aktar ta’ tħassib lokali u li għandha tikkjarifika t-tifsira u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tħassib lokali” (5).

2.10   Il-Kumitat innota wkoll li bħalissa, il-karburanti fossili tal-faħam (6), iż-żejt u l-gass naturali huma s-sinsla tal-provvista tal-enerġija Ewropea u globali. Barra minn hekk, peress li ser jibqgħu importanti tul l-għexieren ta’ snin li ġejjin, huma essenzjali (7).

2.11   Din id-dipendenza tista’ tittaffa billi d-depożiti konsiderevoli tal-faħam tal-Ewropa jintużaw aktar. Fil-każ tal-faħam, s’issa ġew estratti biss 3 % mit-3 400 biljun tunnellata ekwivalenti ta’ żejt li ġew stmati. It-tul mistenni tal-ħajja tar-riżorsi dinjija u r-riservi tal-faħam, taż-żejt u tal-gass jiddependi minn bosta fatturi (it-tkabbir ekonomiku, l-esplorazzjoni u l-avvanzi teknoloġiċi). It-tul tal-ħajja tagħhom ikopri bosta għexieren ta’ snin fil-ġejjieni (u x’aktarx anke sekli fil-każ tal-faħam) (7).

2.12   Skont il-previżjonijiet taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) (8) għall-2030-2050, il-faħam ser jibqa’ jagħmel parti integrali biex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija tul is-seklu 21. Iż-żjieda fl-attenzjoni biex jiġu limitati l-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tfisser investiment kbir fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għas-suq tal-faħam nadif u ta’ teknoloġiji dejjem aktar effettivi għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Fil-livell globali, il-faħam ser jibqa’ sors sinifikanti ta’ enerġija li jipprovdi aktar minn 20 % tal-ħtiġijiet tal-enerġija tad-dinja.

2.13   Kif diġà enfasizza l-Kumitat (9), wara tnaqqis inizjali, lejn l-2015 il-konsum tal-faħam huwa mistenni jerġa’ jiżdied b’riżultat tat-titijib fil-kompetittività tiegħu fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku. Iż-żjieda fil-prezzijiet tal-gass u d-disponibbiltà aktar kmieni milli mistenni tat-teknoloġiji avvanzati għall-konverżjoni tal-faħam f’elettriku huma r-raġunijiet ewlenin għal dan l-iżvilupp.

2.14   Iċ-Ċina, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Indja, l-Awstralja u r-Russja huma l-produtturi ewlenin madwar id-dinja: iċ-Ċina tipproduċi 2 761 Mt kull sena (47 % tal-produzzjoni dinjija), l-Istati Uniti tal-Amerika 1 006 Mt (17 %) u r-Russja 247 Mt (4 %). L-UE timporta 180 MR ta’ antraċit kull sena prinċipalment mir-Russja (30 %), il-Kolombja (17.8 %), l-Afrika t’Isfel (15.9 %) u l-Istati Uniti tal-Amerika (12.8 %) (10).

3.   Il-proposta

3.1   Fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament tal-Kunsill KE/1407/2002 tat-23 ta’ Lulju 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industrija tal-faħam, dan l-aħħar il-Kummissjoni stabbilixxiet is-sitt għażliet li ġejjin:

l-ewwel għażla: l-ebda strument legali ġdid speċifiku għas-settur li jkun japplika wara l-iskadenza tar-Regolament dwar il-Faħam; japplikaw biss ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat;

it-tieni għażla: l-adozzjoni ta’ linji gwida bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li jkunu simili għal dawk adottati fis-setturi tal-bini tal-vapuri u tal-azzar (għajnuna biex jiġu koperti l-pagamenti lill-ħaddiema li jispiċċaw bla xogħol jew li jkunu aċċettaw li jirtiraw kmieni minħabba l-għeluq tal-minjieri, l-għoti ta’ pariri u t-taħriġ vokazzjonali mill-ġdid għal dawn il-ħaddiema u għad-diżattivazzjoni tas-siti);

it-tielet għażla: regolament li jippermetti l-għoti ta’ għajnuna operattiva għal żmien limitat (għajnuna ta’ għeluq), għajnuna operattiva digressiva sakemm takkompanja t-tnaqqis ordnat tal-attivitajiet tal-minjieri u l-impjanti fil-kuntest ta’ pjan definit tajjeb għall-għeluq tal-minjieri;

ir-raba’ għażla: regolament li jippermetti għajnuna biex jiġu koperti spejjeż eċċezzjonali (responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu) b’rabta mal-għeluq tal-minjieri tal-faħam;

il-ħames għażla: regolament ibbażat fuq l-Artikolu 107(3)(e) tat-TFUE li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu kemm għajnuna għall-għeluq kif ukoll għajnuna li tkopri spejjeż eċċezzjonali; jew

is-sitt għażla: jiġġedded b’għaxar snin oħra r-Regolament attwali dwar il-Faħam, jiġifieri sal-aħħar tal-2020, mingħajr ir-rekwiżit tal-għeluq tal-minjieri u bil-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investiment.

3.2   Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi Regolament ġdid tal-Kunsill ibbażat fuq il-ħames għażla, bi strument addizzjonali għall-Istati Membri biex jittaffa l-impatt soċjali u reġjonali tal-għeluq tal-minjieri u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fir-reġjuni tal-Ewropa.

Barra l-possibbiltajiet offruti mir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat – biex issaħħaħ id-dimensjoni kompetittiva tal-intrapriżi u l-koeżjoni soċjali, tistimola d-dispożizzjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, u tippromovi l-ħolqien u t-tixrid tal-għarfien ġdid u t-taħriġ tar-riżorsi umani – il-proposta tal-Kummissjoni toffri l-possibbiltà li żewġ tipi ta’ għajnuna għall-industrija tal-antraċit jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern: l-għajnuna għall-għeluq u l-għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali.

3.3.1   B’mod aktar speċifiku, l-għoti ta’ għajnuna operattiva lill-minjieri tal-faħam għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

għandu jitfassal pjan dettaljat għall-għeluq definittiv sal-1 ta’ Ottubru 2014 ta’ kull minjiera tal-faħam li mhjiex kompetittiva, u li kienet għadha attiva fil-31 ta’ Diċembru 2009;

l-għajnuna għandha tonqos b’mod drastiku maż-żmien: jiġifieri l-għajnuna għandha tonqos bi 33 % wara kull perijodu ta’ ħmistax-il xhar;

jekk il-minjiera ma tingħalaqx sad-data stabbilita l-għajnuna kollha mogħtija għandha titħallas lura; u

l-Istati Membri għandhom jippreżentaw pjan dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu bil-għan li jiġu evitati l-impatti ambjentali tal-użu tal-faħam.

3.3.2   L-għajnuna għall-ispejjeż eċċezzjonali għandha tkopri l-ispejjeż eċċezzjonali għar-ristrutturar u d-diżattivazzjoni tas-sit li mhumiex relatati direttament mal-produzzjoni attwali, kif ukoll ir-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali li jintirtu b’rabta mal-għeluq tal-minjieri, bil-kundizzjoni li dawn ikunu rriżultaw biss mill-għeluq ta’ unitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat ma apprezzax il-fatt li ma ġiex ikkonsultat mill-Kunsill fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) li hija integrata fi ħdanu bħala struttura permanenti ta’ ħidma u li ħadet il-funzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

4.2   L-ewwel nett, il-KESE qed iħaddem id-dritt tiegħu li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar kwistjoni ta’ importanza kbira f’termini ta’ bidliet industrijali fl-UE, kif saħaq il-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar fir-rigward tar-Regolament KE/1407/2002, billi jirrakkomanda li t-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-provvediment ta’ bażi soda ta’ enerġija primarja fl-istess waqt ma jistgħux jirrikjedu tnaqqis kontinwu tal-għajnuna kollha għall-industrija tal-faħam.

4.3   Il-KESE jinnota li l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009 appoġġja t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija li ġiet ippubblikata fit-13 ta’ Novembru 2008 mill-Kummissjoni, li saħqet fuq il-bżonn li “[j]sir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE u l-bżonn li jsir ‘l-aħjar użu mir-riżorsi tal-enerġija tagħha, inklużi sorsi rinnovabbli, karburanti fossili u, fil-pajjiżi’ li jagħżlu li jagħmlu dan, l-enerġija nukleari”.

4.4   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-objettivi tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 2002-2012 jinkludu l-inkoraġġiment ta’ enerġija rinnovabbli u l-użu ta’ karburanti fossili b’inqas karbonju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u li l-Artikolu 1 tar-Regolament attwali dwar l-għajnuna għall-industrija tal-faħam jipprovdi għaż-żamma, bħala miżura ta’ prekawzjoni, ta’ kwantità minima ta’ produzzjoni ta’ faħam indiġenu biex ikun iggarantit aċċess għar-riservi.

4.5   Fl-aħħar, il-KESEjinnota li l-istudji Komunitarji wkoll, kif twettqu mill-Istitut għall-Enerġija taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka f’Petten, juru li l-antraċit ser jibqa’ jkollu sehem integrali biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija tul is-seklu 21.

4.6   Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni peress li jindirizzaw il-bżonn għal żvilupp kompetittiv tan-negozji fis-settur u peress li ma jsegwux loġika ta’ nuqqas ta’ kompetittività (11), f’qafas komuni ta’ referenza, bil-għan li:

jinżamm livell suffiċjenti ta’ riżorsi indiġeni ta’ enerġija, biex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-enerġija;

“tinżamm pożizzjoni Ewropea ta’ tmexxija fit-teknoloġiji intelliġenti fil-qasam tal-minjieri u teknoloġiji ambjentali ta’ faħam nadif u ta’ ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju: użu usa’ tat-teknoloġija għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 ser ikun biss possibbli wara l-2020 u jekk jitwettqu b’suċċess ir-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa fwaqthom;”

jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq fir-rigward tal-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u r-ristrutturar, biex l-intrapriżi Ewropej fil-qasam tal-faħam ikunu jistgħu jakkwistaw teknoloġiji ġodda tas-suq bi prezzijiet mnaqqsin u jsiru kompetittivi;

jinkisbu l-għanijiet soċjali u ambjentali billi jinħoloq ġid ibbażat fuq is-settur u impjiegi assoċjati mal-iżvilupp tar-reġjuni fejn il-minjieri, l-estrazzjoni u industriji oħra relatati huma l-industriji predominanti jew l-uniċi industriji;

jiġi applikat il-kunċett ta’ tħassib lokali għas-settur, peress li l-kummerċ intra-Komunitarju ftit li xejn għandu impatt fuq is-settur u għalhekk ma jaffettwax b’mod sinifikanti l-kummerċ, u li s-sistema attwali ta’ għajnuna ma wasslitx għal distorsjonijiet sostanzjali tal-kummerċ;

l-impjanti elettriċi jkunu jistgħu jiġu mmodernizzati u jiġi żgurat li l-iskadenzi u l-proċeduri għar-ristrutturar settorjali fil-livell nazzjonali (12) jiġu rispettati, billi jiġu appoġġjati n-netwerks fid-distretti tal-minjieri tal-faħam u ċ-ċentri tal-kompetenza għall-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi minerali u n-netwerks għat-taħriġ ta’ managers b’livell għoli ta’ kwalifiki;

jinżamm il-kunċett ta’ riserva strateġika minima għall-faħam indiġenu sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ servizz universali tas-settur pubbliku li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija taħt l-Artikolu 106 tat-TFUE (li qabel kien l-Artikolu 86(2) tat-TKE);

jingħataw pariri, taħriġ u servizzi ta’ taħriġ vokazzjonali mill-ġdid għall-ħaddiema u esperti minn minjieri mhux kompetittivi; jiġi appoġġjat l-irtirar minn kniemi fis-settur u fl-industriji relatati;

jiġi żviluppat u appoġġjat djalogu soċjali settorjali Ewropew għall-industriji tal-minjieri u jiġu organizzati forums tekniċi bbażati fuq netwerks bħall-Forum dwar il-Karburanti Fossilli li sar f’Berlin;

jiġu appoġġjati t-tixrid u l-iskambju tal-aqwa prattiki, b’mod partikolari mil-lat tekniku u ambjentali kemm biex il-produzzjoni avvanzata tal-faħam u l-applikazzjonijiet tagħha jsiru kompetittivi u sostenibbli kif ukoll biex jingħata bidu lir-ristrutturar, id-diversifikazzjoni u l-għeluq (u r-riabilitazzjoni (13) tas-siti) fejn dawn il-proċessi ma jkunux vijabbli.

4.7   Il-KESE jemmen li l-limitu ta’ żmien speċifikat mill-Kummissjoni huwa qasir wisq u ma jissodisfax il-ħtiġijiet għall-iżvilupp tas-settur: il-perijodu 2011-2018 ikun aktar adatt, l-istess bħall-perijodu 2002-2010, biex jiġi żgurat li l-intrapriżi tas-settur ikunu kompetittivi, fid-dawl tal-iżviluppi tat-teknoloġija tas-suq fir-rigward tat-tekniki bi spejjeż baxxi għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u t-tekniki għall-faħam nadif u t-tħaffir fil-minjieri.

4.8   Bl-istess mod, il-KESE jemmen li r-rata ta’ digressività hija għolja wisq u kkonċentrata f’limiti ta’ żmien li huma qosra ħafna biex tiġi rkuprata l-kompetittività u biex ikun hemm innovazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni, il-faħam nadif u l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju. Barra minn hekk, l-għajnuna għandha tippremja aktar milli tikkastiga (kif tagħmel il-proposta) lill-intrapriżi li jirkupraw il-marġni tal-kompetittività tagħhom.

4.9   Fir-rigward tal-kompetizzjoni mhux ibbilanċjata bejn prodott importat u prodott indiġenu, qabel ma jiġi rrakkomandat li din is-sitwazzjoni titlob għal-limitazzjoni tas-sistema Komunitarja, jista’ jagħti l-każ li jeħtieġ li s-sistemi tal-pajjiżi li jesportaw jiġu eżaminati f’aktar dettall u b’mod aktar trasparenti. Fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ ukoll li meta jkunu qed jiġu ffirmati l-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, tiġi valutata f’aktar reqqa u b’aktar koerenza l-inklużjoni ta’ obbligu li jiġu rispettati r-regoli soċjali relatati mal-ILO sabiex il-minaturi ma jiġux sfruttati u jiġu garantiti l-kundizzjonijiet ottimi ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ħaddiema kontra aċċidenti, sikwit fatali, li jiġru fil-kumpaniji l-kbar madwar id-dinja.

4.10   Fl-aħħarnett, il-KESE jemmen li huwa essenzjali għall-ġejjieni tal-attivitajiet tas-setturi tal-minjieri u tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li l-intrapriżi Ewropej u l-Istati Membri jingħataw qafas ċar u proattiv għal għajnuna orizzontali li tista’ tiġi attivata għal finijiet soċjali u ambjentali u għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni, it-taħriġ u għall-provvediment ta’ ħiliet vokazzjonali fis-settur.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara: ZEP – Zero emissions platform, European Technology Platform for zero emission fossil, fuel, power – Implementation Plan 2010-2012 (Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġiji għall-Impjanti tal-Enerġija mill-Karburanti Fossili b’Emissjonijiet Żero – Pjan ta’ Implimentazzjoni 2010-2012) www.zeroemissionsplatform.eu/ccs-technology/capture.html; konferenza organizzata mill-Presidenza Belġjana dwar il-Pjan SET 2010 (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġiji fil-qasam tal-Enerġija) (15 u 16 ta’ Novembru 2010, Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġiji għall-Impjanti tal-Enerġija mill-Karburanti Fossili b’Emissjonijiet Żero (ETP-ZEP) http//setis.ec.europa.eu/technologies/Zero-emission-fossil

(2)  Din l-opinjoni tirreferi għall-“faħam iebes jew faħam” kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament KE/1407/2002 – antraċit, faħam artab (lignite), karbonju fossili.

(3)  ĠU C 48, 21.2.2002, p. 49 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Antraċit, faħam artab (lignite) u faħam iebes.

(7)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Coal of the future (supply prospects for thermal coal by 2030-2050), Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (DG JRC) Istitut tal-Enerġija, Petten (il-Pajjiżi l-Baxxi), Frar 2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Ara nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(10)  L-Istati Uniti tal-Amerika għadha qed taqdi rwol attiv fil-finanzjament tal-impjanti tal-faħam – kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment – li jmur kontra l-wegħda li għamel il-President Obama mal-G20 li jelimina s-sussidji għall-karburanti fossili.

(11)  F’dan ir-rigward, kif jindikaw id-dokumenti kollha dwar il-politiki tal-enerġija tal-Kummissjoni – mill-Pjan SET sal-Istrateġija tal-Enerġija 2011/2020 – għandhom jiġu kkunsidrati bosta parametri fosthom il-livell ta’ kompetittività tar-riżorsi l-oħra tal-UE sal-2020, l-għajnuna mogħtija lis-sorsi l-oħra tal-enerġija, il-promozzjoni tal-użu tal-faħam fis-swieq dinjija, il-volatilità tal-prezzijiet tal-karburanti fossili fil-livell internazzjonali, il-valur miżjud Ewropew tas-sigurtà fil-provvista tal-enerġija b’mod partikolari f’każ ta’ kriżijiet u tensjoni internazzjonali; jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż għall-konverżjoni mill-ġdid tal-impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam u l-ispejjeż għar-riabilitazzjoni tal-minjieri li m’għadhomx jintużaw.

(12)  Ara pereżempju l-pjan tal-Ġermanja għall-minjieri tal-faħam sal-2018.

(13)  Id-diżattivazzjoni.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/20


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-‘Sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2011/C 54/04)

Relatur: is-Sur KRAUZE

Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel għandu jibqa’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika agrikola tal-UE. Minħabba l-isfidi u l-inċertezzi assoċjati mas-sigurtà alimentari globali, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta’ wara l-2013 għandha tkompli tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel.

1.2   Produzzjoni agrikola sostenibbli u swieq agrikoli li jaħdmu bla xkiel joħolqu l-bażi għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fl-UE. Il-PAK tal-ġejjieni għandha bżonn ta’ mekkaniżmi sodi ta’ ġestjoni tas-suqbiex tiżgura t-tħaddim tas-swieq agrikoli u l-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-regoli għall-kummerċ agrikolu għandhom jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura fil-pajjiżi kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha.

1.3   Sabiex tkun tista’ twieġeb għall-isfidi kollha tal-ġejjieni u tiżgura s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel fl-Istati Membri kollha, l-UE teħtieġ PAK aktar b’saħħitha. Fil-ġejjieni, il-PAK għandha tibqa’ waħda mill-politiki ewlenin tal-UE. Il-finanzjament futur tal-PAK għandu jkun adegwat.

1.4   Is-soluzzjoni għas-sigurtà alimentari madwar id-dinja kollha hija s-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel. Fl-UE għandha tinżamm produzzjoni agrikola diversifikata u din għandha tiġi promossa madwar l-UE kollha. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni mbiegħda u ż-żoni bi żvantaġġi speċifiċi.

1.5   L-UE għandha timpenja ruħha aktar fit-tħejjija sistematika sabiex is-sigurtà tal-provvista tiżgura l-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola u tas-settur sħiħ tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza. Madankollu, l-azzjonijiet prattiċi f’dan il-qasam (ħażniet, infrastruttura agrikola, taħriġ, eċċ.) għandhom jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Bħalissa mhux meħtieġa leġislazzjoni ġdida tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u s-settur tal-ikel.

1.6   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-politika dwar l-iżvilupp rurali tal-UE bħala għodda għall-promozzjoni ta’ azzjonijiet li jappoġġjaw u jtejbu s-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-opportunità li toffri din il-possibbiltà fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali.

1.7   Is-settur agrikolu jista’ jkollu rwol sinifikanti biex tiżdied il-provvista tal-enerġija sigura u sostenibbli fl-UE u biex tonqos id-dipendenza tal-UE mill-karburanti fossili importati. Fil-livell tal-intrapriżi agrikoli, jekk dawn jipproduċu l-enerġija tagħhom stess, dan jista’ jkun kontribut importanti għas-sigurtà tal-provvista. Biex jiżdied l-użu tal-bijoenerġija fl-intrapriżi agrikoli, għandhom jiġu żviluppati aktar it-teknoloġiji tal-bijoenerġija. Il-produzzjoni tal-bijoenerġija għandha tkun sostenibbli u għandu jkun hemm aktar enfasi biex isir użu aħjar mill-prodotti sekondarji mill-agrikoltura u s-settur tal-ikel sabiex jitnaqqas it-tniġġis u l-emissjonijiet tas-CO2.

2.   Daħla

2.1   Is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel tfisser l-iżgurar li l-ikel ikun disponibbli u li n-nies ikollhom aċċess ekonomiku għalih, u li jinqered il-ġuħ. F’ħafna setturi tal-biedja madwar l-UE hemm livelli ta’ produzzjoni biżżejjed biex jitimgħu l-popolazzjoni tal-UE, u dan inkiseb permezz tal-PAK. Is-sigurtà alimentari, bħala ġid pubbliku li mhuwiex ikkumpensat mis-suq iżda pprovdut mill-agrikoltura u s-settur tal-ikel għall-benefiċċju tas-soċjetà, ser tkun għan importanti tal-PAK wara l-2013 (1).

2.2   Is-sigurtà alimentari ser tkun l-isfida ewlenija għas-setturi globali tal-agrikoltura u tal-ikel fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Bħala riżultat tal-kriżijiet ekonomiċi u tal-ikel, aktar minn biljun persuna fid-dinja qed ibatu l-ġuħ.

2.3   Is-sigurtà alimentari tfisser li jkun hemm ikel disponibbli biżżejjed biex wieħed jgħix ħajja b’saħħitha, kif ukoll li l-ikel ikun sigur u mhux kontaminat. Dan huwa suġġett ikkumplikat li jorbot ma’ setturi oħra bħalma huma l-produzzjoni taż-żejt, il-loġistika, eċċ. Kwalunkwe problema ta’ loġistika jew ta’ produzzjoni fir-reġjuni ewlenin ta’ produzzjoni minħabba kriżijiet mhux mistennija tista’ taffettwa d-disponibbiltà tal-ikel għal miljuni ta’ persuni, b’mod speċjali għal dawk li jgħixu fiż-żoni urbani. Is-soluzzjoni għas-sigurtà alimentari globali hija s-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel (2).

3.   L-isfidi għall-produzzjoni globali tal-ikel

3.1   Skont tbassir li sar mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-popolazzjoni dinjija ser tkun kważi 9,5 biljun sal-2050; biex dawn in-nies kollha jkollhom x’jieklu, il-produzzjoni globali tal-ikel ser ikollha tirdoppja meta mqabbla mal-livelli attwali. Il-popolazzjoni fil-bliet fid-dinja li qed tiżviluppa ser tiżdied b’rata partikolarment mgħaġġla. Ser ikun mistenni ħafna mill-bdiewa, u ser ikun hemm ukoll pressjoni miżjuda biex titwettaq biedja aktar intensiva. Il-produttività agrikola ser ikollha tiżdied sabiex il-popolazzjoni dinjija li qed tikber ikollha x’tiekol. Il-possibbiltà li jiġi estiż l-użu tal-art hija limitata minħabba użi mhux agrikoli tal-art, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ artdisponibbli adatta għall-biedja.

3.2   L-investiment fl-agrikoltura ser ikollu jiżdied kullimkien, iżda b’mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom potenzjal sostanzjali biex jespandu l-produzzjoni. L-infrastruttura rurali, l-aċċess għall-modernizzazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija, u b’mod partikolari l-aċċess għall-ilma, kif ukoll għas-sistemi edukattivi u l-funzjonament tas-swieq agrikoli wkoll għandhom jitjiebu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Madankollu, fuq il-medda twila ta’ żmien il-kwistjoni prinċipali tas-sigurtà alimentari ser tkun id-disponibbiltà tal-ikel u l-aċċessibbiltà għalih. L-aktar mezz effettiv biex tkun żgurata s-sigurtà alimentari ser ikun l-iżvilupp ġenerali u ż-żieda fil-livelli tal-pagi fl-iktar pajjiżi foqra. L-agrikoltura għandha rwol partikolarment importanti fl-iżgurar tas-sigurtà alimentari, iżda huwa diffiċli biex is-sigurtà alimentari tkun żgurata biss permezz tal-agrikoltura (3).

3.3   Fid-dikjarazzjoni finali tiegħu, is-Summit dwar l-Ikel tal-FAO tal-2009 irrakkomanda li l-produzzjoni tal-ikel tkun ir-responsabbiltà tal-pajjiżi individwali.

3.4   Fil-preżent, minħabba l-kriżijiet ekonomiċi u tal-ikel u l-bidliet fil-qagħda globali, huwa ġeneralment mifhum aħjar li l-pajjiżi u r-reġjuni kollha, inklużi dawk żvantaġġati, għandu jkollhom id-dritt, kif ukoll l-obbligu, li jipproduċu l-ikel tagħhom stess. Għandu jkun possibbli li jiġi prodott aktar ikel b’mod aktar sostenibbli.

3.5   Sfida ewlenija oħra għall-provvista globali tal-ikel, flimkien maż-żieda fil-popolazzjoni, hija t-tibdil fil-klima u l-limitazzjonijiet relatati fuq ir-riżorsi naturali. It-tibdil fil-klima jista’ jkollu impatt sostanzjali fuq il-produzzjoni tal-ikel, b’mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u xi wħud minnhom huma wkoll l-inqas kapaċi li jadattaw għat-tibdil fil-klima. L-agrikoltura għandha tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda fl-istess ħin tista’ tipprovdi wkoll parti mis-soluzzjoni għall-problema tal-emissjonijiet permezz tal-assimilazzjoni tal-karbonju fil-ħamrija. Għandha tinkiseb produzzjoni agrikola aktar effiċjenti b’inqas emissjonijiet. L-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-arja u l-ilma, l-ippreservar tad-diversità naturali u l-prevenzjoni tal-erożjoni. L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ art agrikola u ilma ħelu suffiċjenti huma sfidi kritiċi wkoll għas-sigurtà alimentari globali.

3.6   L-innovazzjoni fl-agrikoltura għandha rwol ewlieni biex jintlaħqu l-isfidi relatati mas-sigurtà alimentari u t-tibdil fil-klima. L-innovazzjonijiet ewlenin f’dawn l-oqsma huma ħafna drabi relatati mat-tgħammir tal-pjanti u l-annimali, it-tekniki tat-tisqija, il-kontroll tal-għargħar, ir-reżistenza għas-sħana u l-kesħa, id-diversifikazzjoni tal-metodi tal-biedja tradizzjonali, eċċ. Soluzzjoni għall-problemi futuri tista’ tkun ukoll li titjieb l-effiċjenza tal-metodi tat-tgħammir tal-pjanti, li għandha l-potenzjali li żżid sostanzjalment il-produttività agrikola.

4.   Il-kunċett tas-sigurtà tal-provvista

4.1   Is-sigurtà alimentari hija kwistjoni strateġika ewlenija għall-popli kollha tad-dinja. L-aċċess għall-ikel huwa wieħed mill-aspetti ta’ kunċett usa’ tas-sigurtà. Il-problemi fl-aċċess għall-ikel malajr jirriżultaw f’żieda fl-instabbiltà u l-problemi soċjali. L-iżgurar tal-aċċess għall-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u emerġenza, huwa r-responsabbiltà tas-soċjetà.

4.2   Is-sigurtà alimentari f’ekonomija moderna li taħdem f’netwerk tiddependi minn bosta kwistjonijiet. Is-sigurtà alimentari teħtieġ provvisti stabbli tal-enerġija (żejt u elettriku), IT, loġistika effiċjenti, iġene tajba, u sistema ta’ twissija bikrija li taħdem sew sabiex is-soċjetà tkun imħarsa minn ikel li jkun ta’ dannu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ħarsien ta’ infrastruttura ta’ importanza kritika fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel kif ukoll azzjoni konkreta fuq il-post.

4.3   Is-soċjetajiet għandhom jipprovdu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-provvisti tal-ikel. Dan jissejjaħ “is-sigurtà tal-provvista”. Dan huwa ġeneralment mifhum li jfisser l-iżgurar ta’ flussi ta’ materjal (pereżempju ħażna għal każijiet ta’ emerġenza), iżda s-sigurtà tal-provvista għandha definizzjoni aktar wiesgħa u tfisser il-kapaċità li jinżammu dawk l-attivitajiet ekonomiċi bażiċi ta’ soċjetà li huma essenzjali għall-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni, u għall-funzjonament u s-sigurtà ta’ soċjetà. Għalhekk, is-sigurtà tal-provvista fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ikel tfisser il-kapaċità li jkunu garantiti l-produzzjoni tal-ikel u l-funzjonament tas-settur kollu tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza.

5.   Il-politika agrikola u s-sigurtà tal-provvista tal-UE

5.1   L-Unjoni Ewropea attwalment qed tħejji għar-reviżjoni li jmiss tal-PAK, jiġifieri l-politika agrikola għal wara l-2013. F’Novembru 2010, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-politika tal-ġejjieni. X’aktarx din ser tippubblika l-proposti leġislattivi rilevanti lejn l-aħħar tal-2011, u d-deċiżjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew hija mistennija fl-2012. Fl-UE ser tkompli tinkiseb produzzjoni biżżejjed tal-ikel permezz tal-PAK.

5.2   L-objettivi tal-politika agrikola tal-UE, kif stipulati fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u li huma inkorporati mingħajr tibdil fit-Trattat ta’ Lisbona li ġie rratifikat is-sena l-oħra, huma:

li tiżdied il-produttività agrikola

li tiżgura livell ta’ għajxien xieraq għall-bdiewa

l-istabbilizzazzjoni tas-swieq

li tiżgura d-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel

li tiżgura prezzijiet raġonevoli tal-ikel għall-konsumaturi

5.3   Huwa ċar li l-bidliet globali u l-isfidi l-ġodda li dawn joħolqu ser jistabbilixxu objettivi oħra għall-politika agrikola tal-UE, iżda l-objettivi primarji msemmija hawn fuq għadhom meħtieġa u rilevanti. Tul is-snin il-politika agrikola tal-UE, kif ukoll in-negozjati tal-kummerċ, kienu l-mira ta’ bosta kritiki. Fil-verità, il-PAK irnexxielha tikseb l-għanijiet stabbiliti b’mod sodisfaċenti sew. Din iggarantiet il-provvista tal-ikel madwar l-Unjoni, minkejja ċ-ċaqliq fil-prezzijiet u waqt il-perijodi ta’ kriżi. Il-PAK b’hekk żgurat is-sigurtà tal-provvista fl-UE, għalkemm l-UE mhijiex kompletament awtosuffiċjenti għal ċerti prodotti u produzzjoni agrikoli. Minkejja dan l-UE għandha tikkunsidra l-fatt li l-pajjiżi fil-periferijia tal-UE ta’ spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiżguraw il-provvisti tagħhom waqt perijodi ta’ ċaqliq kbir fil-prezzijiet

5.4   Fil-futur, is-swieq globali ser joperaw b’mod aktar miftuħ. Kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-ġejjieni jista’ jippermetti biex prodotti agrikoli minn pajjiż mhux tal-UE jidħlu aktar faċilment fl-UE (soġġetti għall-kriterji tas-sigurtà alimentari), iżda fl-istess ħin ser joffri aktar opportunitajiet biex prodotti agrikoli tal-UE jkollhom aċċess għal swieq oħrajn. Id-demografija u s-swieq dinjija qed ibiddlu l-prijoritajiet tal-produzzjoni agrikola u d-domanda għall-ikel madwar id-dinja kollha. L-interdipendenza tas-soċjetajiet u taż-żoni ekonomiċi qed tiżdied. It-tibdil fil-klima qed jipproduċi aktar u aktar kundizzjonijiet estremi tat-temp. Peress li ż-żieda fil-kummerċ internazzjonali mhijiex biżżejjed biex tiżgura l-provvista tal-ikel, fil-ġejjieni ser jiżdied iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u l-instabbiltà tas-suq. Il-politika agrikola tal-UE tal-ġejjieni għandha tipprovdi għal mekkaniżmi li jistabbilizzaw is-suq. L-UE m'għandhiex toħloq instabbiltà fis-swieq globali tal-ikel, iżda għandha tikkontribwixxi b’mod attiv biex teqridha.

5.5   L-Unjoni Ewropea hija produttur u esportatur tal-ikel globali importanti ħafna. L-aħjar mod biex l-UE tgħin fiż-żamma tal-istabbiltà tas-swieq globali tal-ikel u tipprevjeni l-kriżijiet tal-ikel huwa li tiżgura li s-suq agrikolu tagħha stess jibqa’ bbilanċjat u jiffunzjona b’mod effettiv. L-UE għandu jkollha wkoll rwol sinifikanti fiż-żamma tas-sigurtà globali tal-ikel.

5.6   Il-konsumaturi Ewropej iridu jkomplu jieklu ikel ta’ kwalità tajba, nutrittiv u sigur. Il-politika agrikola tal-ġejjieni għandha tiżgura li l-produzzjoni kollha titwettaq b’mod li jħares l-ambjent (l-arja, il-ħamrija, l-ilma), kif ukoll il-benesseri tal-annimali tal-irziezet. Il-fatt li l-istandards huma ogħla fl-UE milli fil-bqija tad-dinja jżid l-ispejjeż għall-produtturi Ewropej, u l-politika agrikola tal-UE għandha tipprovdi għal strumenti, kemm fl-agrikoltura kif ukoll fin-negozju, li joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-produzzjoni fl-UE u pajjiżi oħra. L-isfida għall-UE hija li tuża l-għodod attwali (eż. ftehimiet kummerċjali) u tiżviluppa għodod ġodda biex dawn iħajru lil pajjiżi oħra li jipproduċu l-ikel isegwu l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel użati mill-produtturi tal-ikel tal-UE

5.7   Il-politika dwar l-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru tal-PAK) ser tkompli tkun ta’ importanza kbira għall-iżvilupp ibbilanċjat taż-żoni rurali fil-ġejjieni. Iż-żoni rurali huma parti essenzjali tal-Ewropa. Aktar minn 60 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ bħalissa magħmula minn 27 Stat Membru tgħix f’żoni rurali, u ż-żoni rurali jgħoddu għal 90 % tat-total tal-art tal-Unjoni. Il-politika dwar l-iżvilupp rurali, li tikkunsidra aktar iċ-ċirkostanzi differenti tal-Istati Membri, tista’ ssir aktar importanti fil-ġejjieni. Ir-rwol tal-politika dwar l-iżvilupp rurali bħala dak li jipprovdi l-impjiegi fil-komunitajiet rurali u bħala d-diversifikatur tal-opportunitajiet ta’ negozju ser jikber. Il-politika dwar l-iżvilupp rurali tista’ tintuża bħala għodda tal-UE għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel.

5.8   Il-politika agrikola tal-UE tal-ġejjieni għandha tkompli tagħti kas tal-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista minħabba l-isfidi u l-inċertezzi assoċjati mas-sigurtà alimentari globali. L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel huwa objettiv fundamentali tal-politika agrikola tal-UE. L-UE għandha timpenja ruħha aktar fit-tħejjija sistematika sabiex tkun żgurata l-vijabbiltà tal-produzzjoni agrikola u tas-settur sħiħ tal-ikel, anki f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ emerġenza. Għandhom ikunu disponibbli l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex ikun żgurat li dan jista’ jseħħ. Objettiv ewlieni tal-politika agrikola tal-UE għandu jkun li tinżamm produzzjoni agrikola diversifikata u li din tiġi promossa madwar l-UE. Iż-żamma tad-diversità rikka ta’ ikel ta’ kwalità għolja minn żoni rurali differenti madwar l-Unjoni għaċ-ċittadini tal-UE ser tipprovdi s-soluzzjoni strateġika t-tajba għall-politika tal-ikel tal-UE. Dan ser jgħin ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista.

5.9   Fuq tul ta’ żmien is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel teħtieġ li l-produzzjoni agrikola tkun sostenibbli. Minbarra s-sostenibbiltà ambjentali, id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali huma importanti wkoll. Għandha titqiegħed aktar enfasi fuq ir-rwol tal-agrikoltura fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Il-biedja u s-settur tal-ikel għandhom sehem x’jagħtu ukoll fil-produzzjoni tal-bijoenerġija. Il-miri tal-Istrateġija UE2020 għandhom jiġu integrati fil-politika agrikola.

5.10   Il-produzzjoni tal-bijoenerġija tat rwol sinifikanti lill-agrikoltura tal-UE fl-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Is-settur tal-agrikoltura u l-ikel sostenibbli jista’ jagħti kontribut kbir lit-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE mill-karburanti fossili importati u fl-iżgurar ta’ provvista sigura tal-enerġija għall-konsumaturi tal-UE. Jekk l-iskart u l-prodotti sekondarji agrikoli (id-demel, l-iskart tal-industrija tal-ikel, eċċ.) jinbidlu f’bijoenerġija, dan għandu jgħin biex jitnaqqsu t-tniġġis u l-emissjonijiet tas-CO2.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Sar seminar dwar “Is-sigurtà tal-provvista fl-agrikoltura u fis-settur tal-ikel fl-Unjoni Ewropea” f’Ħelsinki fil-31 ta’ Mejju 2010 b’konnessjoni mat-tfassil tal-opinjoni.

(2)  Skont id-definizzjoni tas-Summit dwar l-ikel tal-FAO.

(3)  Ġ.U. C 100, 30.4.2009, p. 44.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/24


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-‘Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2011/C 54/05)

Relatur: is-Sur VOLEŠ

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’195 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, adottata waqt is-Summit UE-Russja li sar f’Rostov-na-Don (bejn il-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010), li tistieden lis-soċjetà ċivili tipparteċipa aktar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja permezz ta’ djalogu msaħħaħ. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għandhom importanza strateġika għaż-żewġ partijiet u għandhom ikunu bbażati fuq fiduċja reċiproka. Is-soċjetà ċivili tal-UE u dik tar-Russja għandhom jikkonkretizzaw il-kooperazzjoni tagħhom u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni. Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għal dan b’mod attiv.

1.2   Rigward l-Ispazji Komuni, il-KESE jappoġġja l-istruttura eżistenti iżda jappella biex is-soċjetà ċivili taż-żewġ naħat tkun involuta aktar u tippreżenta l-fehmiet u l-inizjattivi tagħha fid-diversi oqsma ta’ attività.

1.3   Il-KESE jissuġġerixxi li jkun hemm parteċipazzjoni akbar mill-partijiet interessati rilevanti fid-djalogu dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ Forum tal-Intrapriżi UE-Russja li jkun rappreżentattiv sew.

1.4   Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex in-negozjati dwar is-semplifikazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-iskema tal-viża jiksbu progress malajr.

1.5   Aktar awtoritajiet mhux statali għandhom jiġu involuti fil-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE huwa lest li jingħaqad f’din il-pjattaforma.

1.6   Għandu jkun hemm aktar pjattaformi fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-UE u r-Russja jkunu jistgħu jikkontribwixxu għas-segwitu u l-monitoraġġ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja. Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja, li huwa simili għal dak tas-Sħubija tal-Lvant, jista’ jsir għodda ta’ dan it-tip.

1.7   Il-KESE jitlob li jiżdiedu l-kuntatti u l-iskambji bejn il-persuni fil-qasam tal-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, bħala għodda biex jitjiebu l-fehim u l-fiduċja reċiproka.

1.8   Il-pożizzjoni tal-Istati Membri vis-à-vis r-Russja għandha tkun aktar ikkoordinata sabiex l-UE titkellem b’vuċi waħda fuq għanijiet ambizzjużi iżda fl-istess ħin realistiċi, b’biżżejjed flessibbiltà.

1.9   Il-KESE jqis is-sħubija Russa mad-WTO bħala essenzjali, jappoġġja bi sħiħ dan il-proċess u jixtieq li dan il-proċess jitlesta kemm jista’ jkun malajr.

1.10   L-UE għandha tirrevedi r-regoli tal-appoġġ finanzjarju għall-NGOs Russi permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprevedi perċentwali kbir ta’ kofinanzjament u b’hekk jeskludi ħafna NGOs Russi milli jużaw dawn is-sussidji.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda li jitfittxu l-opportunitajiet għall-involviment tar-Russja f’proġetti reġjonali kbar li jiġu diskussi mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fil-qasam tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tat-trasport u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Is-soċjetà ċivili Russa għandha tiġi mistiedna tattendi l-laqgħat tal-pjattaformi differenti tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, fejn jiġu diskussi tali proġetti ta’ interess komuni bejn l-UE, il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u r-Russja. Huwa rakkomandat li jkun hemm impenn aktar b’saħħtu mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, fis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u f’inizjattivi rilevanti oħra.

1.12   Il-KESE jġedded il-proposta tiegħu li fil-ftehim ġejjieni jiġi inkluż it-twaqqif ta’ korp tas-soċjetà ċivili, maħluq b’mod konġunt mill-UE u r-Russja.

1.13   Il-KESE ser joħloq grupp ta’ kuntatt iddedikat għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u ser ikompli jiżviluppa l-interazzjoni tiegħu mal-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa (KĊFR), waqt li fl-istess ħin jipproponi li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet komuni tinfetaħ għal organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li mhumiex irrappreżentati fil-KĊFR.

2.   Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja: is-sitwazzjoni attwali

2.1   F’dawn l-aħħar għoxrin sena, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għaddew minn diversi perijodi, uħud tajbin u oħrajn ħżiena. Il-kunflitt militari bejn ir-Russja u l-Ġeorġja f’Awwissu 2008 u t-tilwima dwar il-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina f’Jannar 2009 kellhom effett negattiv fuq ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn l-UE u r-Russja. Madankollu, iż-żewġ partijiet qatt ma abbandunaw l-isforzi tagħhom biex joħorġu mill-intopp. L-għan prinċipali ta’ din l-opinjoni hija li tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar kif għandhom jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u kif jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-għan is-soċjetà ċivili tal-UE u dik tal-Federazzjoni Russa.

2.2   Id-diskussjonijiet dwar ftehim bilaterali ġdid bejn l-UE u r-Russja, li għandu jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni tal-1994, tnedew f’Khanty-Mansiysk f’Ġunju 2008 u formalment infetħu x-xahar ta’ wara. Iż-żewġ partijiet resqu lejn il-proċess ta’ negozjati b’enfasi differenti fuq in-natura tal-ftehim il-ġdid. L-UE tixtieq tikkonkludi ftehim strateġiku, komplet u ddettaljat, filwaqt li r-Russja tippreferi li jiġi konkluż ftehim politiku qafas bażiku li jkun segwit minn ftehimiet settorjali ddettaljati fl-oqsma li huma ta’ interess għar-Russja (1).

2.3   It-tnax-il ċiklu ta’ negozjati bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa, fil-forma ta’ gruppi ta’ ħidma li jikkorrespondu għall-Ispazji Komuni, beda f’nofs Novembru 2010. Għall-Kummissjoni Ewropea, ir-riżultati attwali tan-negozjati huma sors ta’ ottimiżmu prudenti. Madankollu, għadu kmieni wisq biex ikun jista’ jingħad meta jistgħu jiġu konklużi d-diskussjonijiet dwar il-ftehim il-ġdid.

2.4   Id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-ftehim il-ġdid qed jimxu ’l quddiem bil-mod u dan jirrifletti l-fehmiet differenti taż-żewġ partijiet dwar ir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom. L-UE tappoġġja modernizzazzjoni soċjali, politika u ekonomika kumplessa, b’konformità mal-acquis u l-istituzzjonijiet Ewropej. Ir-Russja, min-naħa l-oħra, trid li tkun ittrattata bħala poter dinji sovran, bl-approċċ partikolari tiegħu għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-interessi ekonomiċi u ta’ sigurtà (2). Biex taqdi dan ir-rwol, ir-Russja qiegħda tuża l-assi disponibbli kollha li għandha – il-provvista tal-gass naturali u ż-żejt, il-kapaċità fl-armi nukleari, il-programmi spazjali, eċċ., mingħajr ma tinsa l-pożizzjoni tagħha fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal pereżempju l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shangai, il-Komunità ta’ Stati Indipendenti (KSI), il-G-20 eċċ. Madankollu, il-protezzjoni internazzjonali ta’ dawn l-ambizzjonijiet hija limitata minħabba d-dgħufija tas-sitwazzjoni soċjoekonomika attwali fir-Russja (3).

2.5   L-UE u r-Russja għandhom fehmiet sostanzjalment differenti fir-rigward ta’ bidliet possibbli fl-istruttura tas-sigurtà Ewropea. Ir-Russja trid tirrevedi l-istruttura tas-sigurtà Ewropea, kif deher fil-proposta tar-Russja mressqa mill-President Dmitry Medvedev f’Ġunju 2008 biex jiġi konkluż Patt ġdid ta’ Sigurtà Ewropea.

2.6   Fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija wkoll għad hemm differenzi profondi. Ir-Russja trid tikseb trattament speċjali bħala l-fornitur prinċipali tal-gass naturali u ż-żejt tal-UE, inklużi trattament preferenzjali tal-kumpaniji tagħha tal-enerġija u l-aċċess tagħhom għas-suq tal-UE, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-pożizzjoni speċjali u l-interessi tagħha fis-setturi tal-enerġija tal-Bjelorussja u l-Ukraina (4). Ir-Russja rtirat mit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija (TKE) f’Awwissu 2009. Min-naħa tagħha, l-UE tqis it-TKE bħala bażi għal kwalunkwe liberalizzazzjoni tas-suq tagħha tal-enerġija, inkluż il-ftuħ tagħha għall-kumpaniji tal-enerġija Russi. L-inizjattiva reċenti tal-President Medvedev biex jikkonkludi Trattat Dinji ġdid dwar is-Sigurtà tal-Enerġija, li għandu jissostitwixxi t-TKE, ġiet ippreżentata lill-Istati Membri tal-G-20, mhux esklużivament lill-UE, allavolja l-UE tibqa’ s-sieħeb kummerċjali prinċipali tar-Russja fil-qasam tal-enerġija.

2.7   Ir-Russja qed tipprova tiġġestixxi l-interessi tagħha vis-à-vis l-UE billi tiżviluppa relazzjonijiet speċjali mal-poteri Ewropej li tradizzjonalment jitqiesu bħala “kbar”. Fil-fatt, l-Istati Membri tal-UE għandhom relazzjonijiet bilaterali mar-Russja li jirriflettu t-tradizzjonijiet u l-interessi tagħhom iżda huwa importanti li jaħdmu biex jassiguraw li l-pożizzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom isiru aktar ikkoordinati f’termini ta’ tħejjija ta’ politika globali tal-UE fir-rigward tar-Russja. It-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid saħħaħ il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE kif ukoll ta kompetenzi ġodda lill-UE fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija.

2.8   Ir-Russja u l-UE ma jaqblux ukoll dwar is-Sħubija tal-Lvant, li r-Russja tqisha bħala tentattiv biex tiġi estiża l-isfera ta’ influwenza tal-UE. Min-naħa tagħha, l-UE tqis is-Sħubija tal-Lvant bħala għodda li tikkondividi l-valuri u l-istandards komuni mal-ġirien tal-Lvant peress li l-implimentazzjoni tagħhom twassal għall-modernizzazzjoni ekonomika u soċjali ta’ dawn il-pajjiżi u tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu.

2.9   Il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja tjiebet ħafna fil-kuntest tal-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana mħejjija b’mod konġunt mill-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Islanda. Inkisbu riżultati tanġibbli fi proġetti ta’ sħubija fil-qasam tal-ambjent, tas-saħħa pubblika, tal-kultura, tat-trasport u tal-infrastruttura. Il-KESE ta kontribut kontinwu sabiex tiġi implimentata l-politika, u fl-opinjoni tiegħu dwar il-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (5) enfasizza l-importanza li tiġi involuta s-soċjetà ċivili.

2.10   Minkejja n-nuqqas ta’ ftehim u d-diffikultajiet eżistenti li ssemmew hawn fuq, kemm fl-UE kif ukoll fir-Russja jeżisti fehim komuni ġenerali tal-importanza strateġika tar-relazzjonijiet bilaterali. Ir-rieda politika li jitjiebu r-relazzjonijiet bilaterali ntweriet biċ-ċar bil-Konklużjonijiet tas-Summit UE-Russja f’Rostov-na-Don (bejn il-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju 2010), li jinkludu d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-inizjattiva ta’ Sħubija għall-Modernizzazzjoni (6).

3.   Lezzjonijiet misluta mill-Ispazji Komuni

3.1   Riżultati ġenerali

3.1.1   Id-djalogu istituzzjonalizzat żviluppat fil-kuntest tal-Ispazji Komuni (7) ppermetta l-aktar djalogu b’saħħtu li l-UE qatt kellha fl-istorja tar-relazzjonijiet esterni tagħha ma’ kwalunkwe pajjiż terz. Waqt in-negozjati tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u r-Russja, ikun għaqli li jitqiesu l-lezzjonijiet li ġejjin li nsiltu mill-kooperazzjoni eżistenti fi ħdan l-Ispazji Komuni UE-Russja (8):

l-istruttura tal-Ispazji Komuni hija qafas istituzzjonali stabbilit tajjeb biex jiġi assigurat djalogu politiku u settorjali mifrux bejn l-UE u r-Russja, u għandha tinżamm.

minkejja d-diversi progressi pożittivi miksuba fi kwistjonijiet settorjali, ir-riżultati tal-Ispazji Komuni kienu pjuttost modesti meta mqabbla mal-istennijiet inizjali taż-żewġ naħat;

sabiex jitjiebu d-djalogu u l-kooperazzjoni, hemm bżonn ta’ aktar rieda politika, fiduċja reċiproka u l-kapaċità taż-żewġ naħat li jaqblu fuq it-termini u l-valuri, inklużi l-istandards li dwarhom kien hemm qbil reċiproku.

3.2   Spazju Komuni Ekonomiku

3.2.1   L-għan tal-UE għat-twaqqif ta’ Spazju Komuni Ekonomiku (SKE) kien il-ħolqien ta’ suq miftuħ u integrat bejn l-UE u r-Russja. Il-progress biex jinkiseb dan il-għan għaddej bil-mod u jidher li l-idea ta’ żona kummerċjali ħielsa issa hija realtà pjuttost imbiegħda. Huwa essenzjali li r-Russja ssir membru tad-WTO u l-KESE jilqa’ x-xewqa tal-parti Russa li tikseb l-adeżjoni tagħha mad-WTO kemm jista’ jkun malajr. Madankollu, il-ħolqien ta’ Unjoni Doganali mal-Kazakistan u l-Bjelorussja qajje xi mistoqsijiet dwar kif din ser tolqot in-negozjati mad-WTO.

3.2.2   Id-djalogu tal-iSKE f’diversi oqsma jinkludi diversi livelli u jinvolvi ħafna aspetti tal-kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, finanzjarji u industrijali (9). Il-KESE jirrakkomanda li d-djalogu tal-iSKE għandu jkopri wkoll il-politika tal-impjiegi u dik soċjali, bl-involviment tal-imsieħba soċjali li għadhom mhumiex inklużi fil-proċess ta’ negozjar, waqt li fl-istess ħin għandhom jitqiesu l-limiti tal-kompetenzi tal-UE f’dawn l-oqsma. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet tas-saħħa pubblika, inklużi l-miżuri sanitarji u fitosanitarji u l-ħarsien tal-konsumaturi.

3.2.3   Ir-round table tal-industrijalisti bejn l-UE u r-Russja hija l-pjattaforma istituzzjonali għall-involviment tan-negozju fl-iSKE. L-appoġġ b’saħħtu li l-ambjenti kummerċjali miż-żewġ partijiet jagħtu lil integrazzjoni ekonomika aktar profonda għandu aspetti pożittivi; madankollu, xi gruppi ta’ ħidma li nħolqu bil-għan li jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar il-kwistjonijiet regolatorji u industrijali għadhom mhux qegħdin jaħdmu (10), u r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti mressqa mhumiex jitqiesu mill-politikanti u l-amministrazzjonijiet tal-Istat. Ikun utli li l-partijiet interessati ikunu involuti aktar u b’mod aktar sistematiku fil-proċess ta’ negozjar. Dan jikkontribwixxi għall-identifikar u t-tneħħija tal-ostakoli “artifiċjali” li jimpedixxu l-kummerċ u l-investiment reċiproku. Hemm bżonn li jiġu implimentati l-għodod biex jitħeġġeġ dan l-involviment. Forum tal-Intrapriżi UE-Russja, li jirrappreżenta l-partijiet prinċipali ekonomiċi u kummerċjali, jista’ jsir għodda ta’ dan it-tip.

3.2.4   L-isfida prinċipali għall-gruppi kollha ta’ ħidma fi ħdan l-iSKE għandha tkun li jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment, li jiġi evitat il-protezzjoniżmu, li tiġi assigurata l-kompetizzjoni leali u li tiġi negozjata l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u l-istandards. Il-KESE jappella sabiex jikber l-obbligu tar-Russja li tagħti rendikont tal-progress li twettaq u sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħha biex timplimenta l-bidliet fil-leġislazzjoni u l-prattika. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jikkonferixxi lill-UE l-kompetenza esklussiva fl-investimenti, u jkopri kemm ir-regolamentazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tagħha. Għalhekk, l-UE għandha tinkludi dispożizzjonijiet sostanzjali ta’ investiment fil-ftehim il-ġdid li jieħu post u jaġġorna il-PSK, fosthom dispożizzjonijiet dwar trattament ġust u ugwali u, b’mod partikolari, klawsoli ta’ arbitraġġ kredibbli u affidabbli li jipproteġu r-relazzjonijiet bejn l-investitur u l-Istat.

3.2.5   L-għodod finanzjarji tal-UE li huma maħsuba għall-appoġġ tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandhom ikunu aktar marbuta mal-politiki u l-użu tagħhom fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi għandu jiġi ssemplifikat. Il-fażijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ valutazzjoni tal-proċess għandhom jissaħħu. B’mod partikulari, għandhom jinħolqu fondi miżmumin b’fiduċja għall-proġetti żgħar bi proċeduri semplifikati, b’tali mod li l-fondi jkunu disponibbli għal aktar gruppi mmirati u istituzzjonijiet, inklużi n-nisa intraprendituri, l-SMEs u l-ekonomija soċjali, u jintużaw għal proġetti żgħar iżda konkreti u li jwasslu għal riżultat (11). It-tnaqqis eventwali tal-fondi disponibbli għandu jkun ikkumpensat minn kofinanzjament ogħla min-naħa tar-Russja li għandu jkollha aktar sjieda ta’ programmi u proġetti u impatt akbar fuqhom.

3.3   Spazju Komuni ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

3.3.1   Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja hija waħda importanti ħafna peress li tinvolvi l-kwistjonijiet tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Iż-żewġ naħat għandhom interess komuni li jindirizzaw l-isfidi, bħar-reati organizzati, it-terroriżmu, id-drogi u l-migrazzjoni illegali.

3.3.2   Wieħed mis-suġġetti prinċipali tan-negozjati huwa l-politika dwar il-viża u r-riammissjoni. Il-KESE jitlob li jitqiesu l-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi għall-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istudenti, it-tnaqqis, viżi multipli għall-abitanti tar-reġjuni fuq il-fruntiera, it-tneħħija tal-ħlasijiet tal-viża, ir-reġistrazzjoni taċ-ċittadini barranin u s-semplifikazzjoni tagħha, l-implimentazzjoni bbilanċjata u mingħajr diskriminazzjoni tar-regoli rispettivi relatati mal-permessi tax-xogħol u r-residenza, waqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Il-KESE jappoġġja s-semplifikazzjoni u l-liberalizzazzjoni mgħaġġla tal-iskema tal-viża bbażata fuq l-implimentazzjoni ta’ impenji li hemm qbil reċiproku dwarhom.

3.3.3   L-UE għandha tkompli l-isforzi tagħha biex tinvolvi atturi oħrajn mhux statali fil-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem.

3.4   Spazju Komuni ta’ Sigurtà Esterna

3.4.1   L-isforzi konġunti bejn l-UE u r-Russja fil-qasam tas-sigurtà esterna huma limitati. Ċertament, l-UE għandha tipprova tassoċja lir-Russja fl-attivitajiet konġunti mmirati lejn iż-żamma tas-sigurtà, wara l-esperjenza pożittiva tal-missjonijiet konġunti fil-Balkani tal-Punent u fiċ-Ċad.

3.4.2   L-UE kienet mistiedna mir-Russja biex taġixxi bħala medjatur fis-soluzzjoni tal-kunflitt mal-Ġeorġja, wara l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ġeorġja f’Awwissu 2008. Ir-Russja xorta għad trid timplimenta l-obbligi kollha skont it-ftehimiet tat-12 ta’ Awwissu u t-8 ta’ Settembru. Il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) hija fattur indispensabbli għall-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni fil-Ġorġja. L-aċċess tal-EUMM għall-Abkhazia u l-Ossezja tan-Nofsinhar jibqa’ aspett kruċjali tal-mandat tagħha li għadu ma ntlaħaqx. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni tar-Russja hija tal-akbar importanza.

3.4.3   Minkejja l-fehmiet differenti dwar is-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja, iż-żewġ partijiet għandhom ikomplu bid-djalogu dwar is-sigurtà bilaterali u jwettqu djalgou permezz tal-istituzzjonijiet internazzjonali eżistenti li għandhom iservu ta’ post ta’ djalogu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja: in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u l-Kunsill NATO-Russja.

3.4.4   L-UE ma tistax tinjora l-interessi tal-ġirien tagħha tal-Lvant fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja u viċi versa u trid tibqa’ soda fl-impenn tagħha sabiex tiffaċilita t-trasformazzjoni tal-imsieħba tal-Lvant.

3.4.5   Għaqda fil-kwistjonijiet prinċipali (relazzjonijiet mar-Russja; politika tal-enerġija; relazzjonijiet mal-imsieħba tal-Lvant) ser issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE meta tittratta mal-Federazzjoni Russa. L-UE għandha l-ewwel u qabel kollox titkellem b’vuċi waħda.

3.4.6   Għalkemm jeżistu kuntatti uffiċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituti ta’ riċerka u t-think tanks fl-UE u r-Russja għadhom jikkooperaw biss fuq numru żgħir ta’ kwistjonijiet. Kuntatti skarsi u nuqqas ta’ kooperazzjoni jwasslu għal perċezzjoni sterjotipata tal-interessi u l-intenzjonijiet tal-imsieħeb l-“ieħor”. Għalhekk, id-djalogu bilaterali tas-soċjetà ċivili għandu jikkontribwixxi għat-tiftix tal-approċċi ġodda għall-kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku, bħat-terroriżmu internazzjonali u l-għeruq tiegħu.

3.5   Spazju Komuni ta’ Riċerka, Edukazzjoni u Kultura

3.5.1   Dan l-ispazju komuni jista’ jservi bħala eżempju tal-aktar kooperazzjoni li rnexxiet bejn l-UE u r-Russja, bid-dominazzjoni qawwija ta’ proġetti tax-xjenza pura.

3.5.2   Is-suċċess huwa sinjal tal-impenn attiv miż-żewġ naħat, kif juru biċ-ċar il-programmi u l-fondi pprovduti u l-approċċ minn isfel għal fuq, li jfisser li x-xjenzati jitħallew jistrutturaw xogħolhom u jagħżlu l-aktar forom adatti (12).

3.5.3   Min-naħa l-oħra, dan is-suċċess jikkuntrasta mal-mobbiltà pjuttost limitata fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn inkisbu xi skambji, pereżempju permezz tal-Programmi Tempus u Erasmus Mundus. Teżisti wkoll id-diffikultà li tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma. Għandha tingħata aktar attenzjoni liċ-ċaqliq taż-żgħażagħ u l-iskambji interkulturali. Is-soċjetà ċivili għandha tinvolvi ruħha aktar fin-negozjati u fis-segwitu tal-ftehimiet f’dan l-ispazju komuni sabiex timmonitorja l-effetti tal-proġetti ta’ riċerka fuq is-soċjetà bbażata fuq l-għarfien.

4.   L-istat tas-soċjetà ċivili fir-Russja

4.1   L-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili Russa u dwar id-djalogu soċjali u ċivili (13) tindika li għadha ma tikkorrespondix bis-sħiħ mal-istandards Ewropej. Madankollu, il-pożizzjoni u l-influwenza tagħha tjiebu parzjalment mill-aħħar valutazzjoni tagħna tar-relazzjonijiet UE-Russja (14).

4.2   Il-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa (KĊFR), imwaqqfa fl-2006, saret il-korp uffiċjali li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili fir-Russja. Twaqqfet b’digriet tal-President li jaħtar terz tal-membri tagħha. Il-Kamra rnexxielha ssir strument ta’ espressjoni tal-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet importanti fil-livell nazzjonali u dak reġjonali, fejn f’ħafna reġjuni ġew stabbiliti kmamar lokali. Hija tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, tagħmel kummenti dwar l-abbozzi ta’ liġi u tħejji l-analiżi tas-setturi u s-sitwazzjoni fir-reġjuni. Il-pożizzjonijiet tal-Kamra xi kultant huma miftuħa ħafna u jikkritaw il-politiki tal-gvern (15).

4.3   Skont ir-Rapport dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-Federazzjoni Russa fl-2009 (16) ppubblikat mill-KĊFR, in-numru ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi mingħajr skop ta’ qligħ (NNGOs) irreġistrati fir-Russja laħaq is-670 000 entità legali. Bejn l-2004 u l-2009, in-numru totali tagħhom naqas bi 17 %. Il-KĊFR tirrakkomanda li l-klassifikazzjoni ta’ NNGOs tinbidel u li jintuża l-metodu tan-Nazzjonijiet Uniti, li ma jqisx l-istituzzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet statali bħala NGOs.

4.4   Skont il-qasam tal-attivitajiet tagħhom, l-NGOs huma involuti l-aktar fl-affarijiet soċjali (54 %), imbagħad fix-xjenza u l-edukazzjoni (44 %), id-difiża tad-drittijiet (42 %), il-karità (39 %), it-turiżmu u l-isport (32 %), il-kultura (30 %), l-informazzjoni (27 %), is-saħħa (22 %), l-ambjent (12 %), il-muniċipalitajiet (9 %), ir-reliġjon (9 %), l-ekonomija (6 %), id-djar (5 %) u attivitajiet oħrajn (5 %).

4.5   Il-KĊFR stabbilixxiet relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet ta’ msieħba barranin, inkluż il-KESE (memorandum ta’ ftehim fl-2008) u saret membru tal-AICESIS u ospitat il-laqgħa tal-Bord tagħha f’Diċembru 2009. Minn dak iż-żmien, ir-relazzjonijiet bejn il-KESE u l-KĊRF issaħħew permezz tal-organizzazzjoni ta’ workshops konġunti fuq suġġetti ta’ interess komuni u l-adozzjoni tal-konklużjonijiet konġunti b’riżultat ta’ dawn il-workshops (17).

4.6   It-tmexxija Russa qed issir konxja li, mingħajr l-involviment tas-soċjetà ċivili, huwa impossibbli li jitwettaq l-għan strateġiku tal-modernizzazzjoni tar-Russja. Matul l-aħħar sena, ġew adottati diversi emendi għal-leġislazzjoni eżistenti sabiex jitjieb l-istat tas-soċjetà ċivili, inkluż it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż.

4.7   Minkejja li r-rwol li taqdi s-soċjetà ċivili organizzata fil-modernizzazzjoni tas-sistema politika Russa qiegħed ikun dejjem aktar mifhum, xorta waħda għad fadal ħafna xi jsir.

4.8   Id-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jseħħ fil-kumitat tripartitiku Russu għar-regolazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali u tax-xogħol. Il-ftehimiet ġenerali huma nnegozjati bejn it-trejdjunjins Russi u l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, bil-parteċipazzjoni tal-gvern. Il-ftehimiet kollettivi ġeneralment jiġu konklużi fl-intrapriżi fejn hemm rappreżentanti tat-trejdjunjins, għalkemm xi kultant it-tilwim iwassal għal strajkijiet. Ir-Russja rratifikat il-biċċa l-kbira tal-konvenzjonijiet tal-ILO, iżda huwa essenzjali li dawn il-konvenzjonijiet jiġu rispettati.

4.9   Dawk li jħaddmu huma rrappreżentati mill-Unjoni Russa tal-Industrijalisti u l-Intraprendituri (RSPP) bħala organizzazzjoni nongovernattiva indipendenti. L-Unjoni tirrappreżenta aktar minn 120 alleanza reġjonali u assoċjazzjoni industrijali tal-industriji prinċipali tal-ekonomija u taqdi rwol attiv bħala l-imsieħba soċjali fil-kumitat tripartitiku Russu. Tista’ tagħti bidu għal abbozzi ġodda ta’ liġi u tagħmel sforzi kontinwi sabiex ittejjeb il-leġislazzjoni eżistenti relatata mal-ekonomija u l-intraprenditorjat. L-Unjoni tikkoopera mill-qrib mal-BusinessEurope u tappoġġja t-titjib tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn ir-Russja u l-UE u l-Istati Membri tagħha.

4.10   Flimkien mal-RSPP, hemm organizzazzjonijiet oħrajn li jirrappreżentaw lill-intraprendituri u lil dawk li jħaddmu, bħall-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Federazzjoni Russa (18), l-Assoċjazzjoni tal-Maniġers Russi, l-Opora Rossii (Assoċjazzjoni tal-SMEs) u oħrajn. Dawn huma rrappreżentati fil-KĊFR.

4.11   It-trejdjunjins huma rrappreżentati minn żewġ organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins: il-Federazzjoni tat-Trejdjunjins Indipendenti tar-Russja (FNPR) u l-Konfederazzjoni Russa tax-Xogħol (KTR). It-tnejn huma membri tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins (ITUC) u tal-istruttura reġjonali tagħha għall-Ewropa – il-Kunsill Reġjonali Pan-Ewropew (PERC) (19).

4.12   Il-KESE jinsab ikkonċernat dwar l-intensifikazzjoni, matul dawn l-aħħar snin, tal-problemi li qegħdin jiffaċjaw it-trejdjunjins fir-Russja. It-trejdjunjins indipendenti jikkunsidraw li l-problema l-aktar akuta hija dik tan-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet bażiċi tal-ħaddiema għal assoċjazzjoni, negozjar kollettiv u strajk. Hemm każijiet ovvji ta’ pressjoni moħbija fuq it-trejdjunjins, il-membri tagħhom u l-mexxejja tagħhom biex jostakolaw l-attivitajiet legali tagħhom u każijiet ta’ diskriminazzjoni. Hemm nuqqas ta’ protezzjoni legali effettiva tal-ħaddiema mill-amministrazzjonijiet governattivi responsabbli għall-infurzar tal-liġi fir-relazzjonijiet industrijali.

4.13   Hemm varjetà kbira ta’ organizzazzjonijiet nongovernattivi. Il-qasam ta’ interess tagħhom huwa indikat fil-punt 4.4. L-organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jopponu l-gvern (20) iħabbtu wiċċhom ma’ tipi differenti ta’ ostakoli, pressjoni u theddid. L-NGOs fil-livell lokali li jirrappreżentaw il-konsumaturi, l-ambjentalisti, l-ekonomija soċjali, iż-żgħażagħ, eċċ. (21), l-aktar li jiffaċċjaw huma problemi ta’ finanzjament. Apparti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-livell federali, hemm eluf ta’ NGOs attivi fil-livell reġjonali u lokali; xi wħud minnhom jiffaċċjaw bojkott jew attitudni ostili mill-awtoritajiet lokali.

5.   Il-proposti tal-KESE sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja

5.1   Suġġerimenti ġenerali

5.1.1   Hemm bżonn qawwi li tinħoloq fiduċja reċiproka bejn ir-Russja u l-UE – dan huwa kompitu qabel kollox għall-mexxejja politiċi iżda wkoll għas-soċjetajiet ċivili fuq iż-żewġ naħat, li għandhom jaqdu rwol prinċipali ta’ appoġġ f’dan il-proċess. Huwa kważi impossibli li jkun hemm aktar progress fin-negozjati bejn l-UE u r-Russja dwar it-trattat il-ġdid u li jiġi żviluppat djalogu fi ħdan l-istruttura tal-Ispazji Komuni mingħajr fiduċja.

5.1.2   Min-naħa tal-UE, approċċ komuni bi qbil fost l-Istati Membri, aktar ċarezza tal-għanijiet, ambizzjonijiet realistiċi u aktar flessibbiltà jistgħu jgħinu biex ikun hemm progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja f’termini wiesgħa u speċifikament fil-bini tal-erba’ Spazji Komuni.

5.1.3   Ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Russja għandha bżonn dinamika politika ġdida li tippermetti liż-żewġ naħat jerġgħu jniedu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom u jiskopru sens ta’ sħubija strateġika. L-aġenda tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, kif imħabbar matul is-Summit f’Rostov-na-Don fl-1 ta’ Ġunju 2010, għandha titqies mill-UE bħala pakkett orjentat lejn il-futur tal-proposti ta’ kooperazzjoni. Għandhom jiddinamizzaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li nsiltu mill-Ispazji Komuni u fl-istess ħin jikkumplementaw l-offerta ta’ Sħubija tal-Lvant li diġà saret lil sitt pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.

5.1.4   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-aġenda tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni tinkludi mhux biss l-aspetti teknoloġiċi u ekonomiċi iżda wkoll il-promozzjoni tal-kuntatti interpersonali u t-tisħiħ tad-djalogu mas-soċjetà ċivili biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni mal-individwi u l-intrapriżi. Il-KESE jinsab konvint li l-modernizzazzjoni tas-soċjetà Russa ma tistax tinkiseb mingħajr enfasi speċjali fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-mezzi tax-xandir u d-djalogu soċjali, waqt li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u s-segwitu tar-riformi neċessarji.

5.1.5   Sabiex l-għajnuna tal-UE lill-attivitajiet tal-NGOs Russi ssir aktar aċċessibbli u effikaċi, il-KESE jirrakkomanda li tingħata kunsiderazzjoni għal tnaqqis possibbli tal-limitu attwali ta’ 20 % ta’ kofinanzjament meħtieġ mill-NGOs Russi jekk jixtiequ japplikaw għal talba ta’ konċessjoni fil-kuntest tal-iskema tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR). Il-kofinanzjament mitlub għal dawn il-konċessjonijiet jillimita b’mod sinjifikanti l-ambitu tal-NGOs Russi li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE.

5.1.6   It-tħassib tar-Russja dwar l-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant m’għandux ifisser li l-UE ma tistax tipproponi u tfittex il-kooperazzjoni u s-sħubija mar-Russja fir-rigward tar-reġjuni u ta’ proġetti reġjonali konkreti, bil-kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni ugwali u kostruttiva tal-ġirien komuni tagħhom. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet mill-opinjonijiet tal-KESE dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana (5), l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku (22), is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (23), is-Sħubija tal-Lvant (24) u l-Istrateġija tad-Danubju. Huwa importanti li l-għanijiet li l-Unjoni Ewropea ftiehmet dwarhom mal-imsieħba tal-Lvant u r-Russja jkunu kompatibbli kemm jista’ jkun. Id-djalogi settorjali mal-Federazzjoni Russa u l-pjani ta’ azzjoni konklużi mal-imsieħba tal-Lvant għandhom ikunu essenzjalment orjentati lejn l-istess direzzjoni, għalkemm probabbilment ser ikunu differenti fl-ambitu u l-ambizzjoni tagħhom.

5.1.7   L-UE, il-Federazzjoni Russa u l-ġirien komuni tagħhom għandhom jiżviluppaw proġetti globali f’oqsma bħall-politika tal-enerġija, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-kwistjonijiet ambjentali u t-tqarrib tal-istandards, li jgħinu sabiex jingħelbu l-linji diviżorji li eventwalment jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant.

5.1.8   Is-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fl-identifikazzjoni tal-proġetti ta’ interess għall-UE, għall-pajjiżi fl-Isħubija tal-Lvant u għar-Russja, filwaqt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russa għandhom jiġu mistiedna fil-gruppi ta’ ħidma li jikkonċernawhom fi ħdan il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, meta jiġu diskussi l-kwistjonijiet rilevanti għar-reġjun kollu. Il-Forum simili tas-Soċjetà Ċivili UE-Russja jista’ jsir għodda biex jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russa fl-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja.

5.2   Ir-rwol tal-KESE

5.2.1   Il-KESE u l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili tar-Russja għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw f’dawn il-konsultazzjonijiet li ilhom iseħħu sa mill-2005.

Sabiex tissaħħaħ l-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u dik Russa, jeħtieġ li jittieħdu dawn il-passi:

5.2.2.1   Jinħoloq grupp ta’ kuntatt ġdid fi ħdan is-Sezzjoni REX tal-KESE li jittratta r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja.

5.2.2.2   Jiġi propost il-ħolqien ta’ korp konġunt tas-soċjetà ċivili bejn il-KESE u s-soċjetà ċivili Russa bħala wieħed mill-punti tal-Ftehim futur UE-Russja. L-għan prinċipali tiegħu għandu jkun il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja.

5.2.3   L-interazzjoni mal-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa u l-passi lejn djalogu msaħħaħ għandhom jitkomplew u jiġu żviluppati sabiex dan isir permanenti u regolari. Fl-istess waqt, il-KESE għandu jitlob lill-parti Russa tistieden rappreżentanti minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għall-attivitajiet konġunti li attwalment mhumiex irrappreżentati fil-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa.

5.2.4   Barra minn hekk, il-KESE għandu jkompli jikkontribwixxi għall-kuntatti eżistenti bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u dik Russa fil-kuntest tal-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u ta’ inizjattivi rilevanti oħra.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Laqgħa tar-rappreżentanti tal-KESE mal-Viċi Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa, is-Sur Alexander Zhukov, fid-29 ta’ Ġunju 2010.

(2)  Ara “L-Istrateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa sal-2020” approvata mid-Digriet Nru 537 tal-President tal-Federazzjoni Russa fit-12 ta’ Mejju 2009.

(3)  “L-Istrateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa sal-2020” approvata mid-Digriet Nru 537 tal-President tal-Federazzjoni Russa fit-12 ta’ Mejju 2009; ara t-tieni parti. Id-dinja moderna u r-Russja: is-sitwazzjoni attwali u t-tendenzi ta’ żvilupp, p. 4-8, u d-disa’ parti. L-istabbiltà strateġika u s-sħubija strateġika ugwali, p. 29-31.

(4)  “L-Istrateġija tal-Enerġija tar-Russja sal-2030” approvata mid-Digriet Nru 1715-r tal-President tal-Federazzjoni Russa fit-13 ta’ Novembru 2009; ara d-9 parti: Il-politika barranija tal-enerġija, p.55-58.

(5)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 91–95). (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  L-oqsma ta’ prijorità tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni ser jinkludu: aktar opportunitajiet għal investiment fis-setturi prinċipali li jwasslu għal tkabbir u innovazzjoni, tisħiħ u approfondiment tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bilaterali, u l-promozzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju; il-promozzjoni tal-konformità mar-regolamenti u l-istandards tekniċi, kif ukoll livell għoli ta’ infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; titjib fit-trasport; il-promozzjoni ta’ ekonomija sostenibbli li ma tantx tuża karbonju u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, kif ukoll negozjati internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-ispazju; l-iżgurar ta’ żvilupp ibbilanċjat billi jiġu indirizzati l-konsegwenzi reġjonali u soċjali tar-ristrutturar ekonomiku; l-iżgurar ta’ tħaddim effettiv tas-sistema ġudizzjarja u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; il-promozzjoni tar-rabtiet bejn il-persuni; u t-tisħiħ tad-djalogu mas-soċjetà ċivili biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-individwi u l-intrapriżi.

(7)  F’Mejju 2003, l-UE u r-Russja qablu fuq format strutturat ġdid ta’ kooperazzjoni fi ħdan l-erba’ Spazji Komuni: l-Ispazju Komuni Ekonomiku, l-Ispazju Komuni ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-Ispazju Komuni ta’ Sigurtà Esterna u l-Ispazju Komuni ta’ Riċerka, Edukazzjoni u Kultura. F’Mejju 2005, iż-żewġ partijiet innegozjaw pakkett ta’ pjani direzzjonali biex jiġu implimentati l-Ispazji Komuni. Ara wkoll http://ec.europa.eu/external_relations/russia/docs/commonspaces_prog_report_2009_en.pdf.

(8)  Ara “Searching for New Momentum in EU-Russia Relations. Agenda, Tools and Institutions”. Bratislava: Ċentru ta’ Riċerka għall-Assoċjazzjoni Slovakka għall-Politika Barranija, 2009.

(9)  Dawn huma l-gruppi ta’ ħidma prinċipali fi ħdan l-iSKE: trasport; politika industrijali u ta’ intrapriża; djalogu regolatorju dwar il-prodotti industrijali; spazju; soċjetà tal-informazzjoni; agrikoltura; sajd; politika makroekonomika; servizzi finanzjarji; enerġija; akkwist pubbliku; ambjent; faċilitazzjoni tal-kummerċ; IPR; kooperazzjoni interistituzzjonali; statistika; kwistjonijiet makroekonomiċi u finanzjarji.

(10)  Pereżempju l-gruppi ta’ ħidma bħas-sottogruppi dwar il-prodotti ta’ kostruzzjoni, il-makkinarju u t-tagħmir elettriku, il-valutazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-konformità, l-ajruspazju, il-kompetizzjoni u s-saħħa pubblika.

(11)  Il-kummerċ dinji, il-kummerċ ġust, il-kompetizzjoni leali, l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-provvista tal-ilma, l-edukazzjoni għall-konsumatur, il-kummerċ elettroniku, il-politika alimentari, l-azzjoni fi grupp, ir-responsabbiltà għal prodotti u servizzi difettużi, il-kwistjonijiet finanzjarji, it-telekomunikazzjonijiet, il-klawżoli kuntrattwali, eċċ.

(12)  Jeżistu gruppi ta’ ħidma fl-oqsma li ġejjin: saħħa, ikel, agrikoltura u bijoteknoloġija, nanoteknoloġiji u materjali ġodda, enerġija, aeronawtika u ambjent, fissjoni u fużjoni nukleari, teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Fil-qasam tal-kooperazzjoni spazjali twaqqfu seba’ gruppi.

(13)  Ir-rapport dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-Federazzjoni Russa ppubblikat mill-KĊFR fl-2009 http://www.oprf.ru/documents/1151/1256/, karta bi struzzjonijiet mid-DĠ RELEX għall-Parlament Ewropew ta’ Frar 2009.

(14)  ĠU C 294, 25.11.2005, p. 33-37 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Ara s-sit tal-internet tal-Kamra Ċivika tal-Federazzjoni Russa, inkluża l-lista ta’ dokumenti (opinjonijiet, rapporti ta’ monitoraġġ, interventi, eċċ.): http://www.oprf.ru. Għall-kisbiet prinċipali fir-rigward tal-interventi b’suċċess vis-à-vis l-awtoritajiet statali fil-livell federali u reġjonali ara l-kolonna “We did it!”: http://www.oprf.ru/ru/press/984/.

(16)  Ara n-nota nru 13 f’qiegħ il-paġna.

(17)  Informazzjoni dwar il-Workshops Konġunti u t-test tal-konklużjonijiet konġunti huma disponibbli hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/? i = portal.en.events-and-activities-eu-russia-june-2010.

(18)  Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Federazzjoni Russa huma membri tal-Eurochambers.

(19)  Il-President tal-FNPR huwa l-President elett attwali tal-Kunsill Reġjonali Pan-Ewropew (PERC). Skont l-istatuti tagħha, is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (KETU) iservi bħala s-Segretarju Ġenerali tal-PERC.

(20)  Xi wħud mill-aktar prominenti huma ċ-Ċentru għall-Iżvilupp tad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istitut Russu tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Moviment taż-Żgħażagħ dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Verdett Pubbliku, il-Fondazzjoni tal-Protezzjoni tal-Glasnost, il-GOLOS (assoċjazzjoni li tipproteġi d-drittijiet tal-votanti), il-Human Rights Watch (kapitolu Russu), il-Memorial (grupp favur id-drittijiet tal-bniedem), is-SOVA, eċċ.

(21)  Bħall-organizzazzjoni interreġjonali tal-awtomobilisti “Il-Libertà tal-Għażla”, Greenpeace Russja, Bellona (protezzjoni tal-ambjent), l-Istitut tal-Azzjoni Kollettiva, il-Moviment kontra l-Immigrazzjoni Illegali, Pamjat (konservazzjoni tal-monumenti storiċi u tal-irrekordjar tal-istorja), il-Knisja Ortodossa Russa, is-Soċjetà għall-Ħbiberija Russa-Ċeċena, iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u ta’ Analiżi SOVA, l-Unjoni tal-Kumitati tal-Ommijiet tas-Suldati u l-World Wildlife Fund (kapitolu Russu).

(22)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 42-48.

(23)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 144-151.

(24)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 30-36.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-467 sessjoni plenarja tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010

19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/31


L-467 SESSJONI PLENARJA TAT-8 U D-9 TA’ DIĊEMBRU 2010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta’ kejl”

COM(2010) 507 finali – 2010/0260 (COD)

(2011/C 54/06)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, nhar is-7 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta’ kejl

COM(2010) 507 finali – 2010/0260 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), b’85 vot favur u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussel, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-exhaust tal-vetturi bil-mutur’

(COM(2010) 508 finali – 2010/0261 (COD)

(2011/C 54/07)

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar il-15 ta’ Ottubru u nhar is-7 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-exhaust tal-vetturi bil-mutur

COM(2010) 508 finali – 2010/0261 (COD)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010), b’unanimità li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib immuntati fuq in-naħa ta’ wara tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija ta’ karreġġata dejqa’

(COM(2010) 510 finali – 2010/0264 (COD)

(2011/C 54/08)

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar il-15 ta’ Novembru u nhar is-7 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istrutturi ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib immuntati fuq in-naħa ta’ wara tat-tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija ta’ karreġġata dejqa

COM(2010) 510 finali – 2010/0264 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), b’unanimità, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett tal-ikel”

COM(2010) 506 finali – 2010/0259 (COD)

(2011/C 54/09)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, nhar is-7 ta’ Ottubru u l-15 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjieni oġġett tal-ikel

COM(2010) 506 finali – 2010/0259 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), bi 88 voti favur u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u 1-Informazzjoni f’dak li jirrigwardja l-perijodu effettiv”

(COM(2010) 520 finali – 2010/0274 (COD)

(2011/C 54/10)

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar id-19 u l-20 ta’ Ottubru 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 460/2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni f’dak li jirrigwardja l-perijodu effettiv

COM(2010) 520 finali – 2010/0274 (COD)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010), b’101 vot favur u vot wieħed (1) kontra, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ aċċess għas-servizz pubbliku rregolat offrut mis-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita mill-programm Galileo”

COM(2010) 550 finali – 2010/0282 (COD)

(2011/C 54/11)

Nhar id-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-arranġamenti ta’ aċċess għas-servizz pubbliku rregolat offrut mis-sistema dinjija ta’ navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita mill-programm Galileo

COM(2010) 550 finali – 2010/0282 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), b’97 vot favur u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/37


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu’”

COM(2010) 289 finali – 2010/0160 (COD)

(2011/C 54/12)

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar it-23 ta’ Ġunju 2010 u nhar it-13 ta’ Lulju 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

COM(2010) 289 finali – 2010/0160 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’172 vot favur, 12-il vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Din l-opinjoni tindirizza t-tieni fażi tal-approċċ fuq tliet fażijiet tal-Kummissjoni dwar ir-regolazzjoni tal-Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu (imsejħa l-AKK – Aġenziji ta’ Klassifikazzjoni tal-Kreditu). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li, din id-darba, fi kwistjoni daqshekk importanti, li kkawżat tant ħsara lill-ekonomija, lill-intrapriżi u liċ-ċittadini tagħna (u li għadna ma nafux kif se tispiċċa), l-UE wieġbet b’mod attiv, fost affarijiet oħra permezz ta’ din il-proposta, u ħeġġet reazzjoni simili fil-livell internazzjonali. Il-KESE jittama li din il-ħidma titkompla b’mod kostanti u koerenti.

1.2   Barra minn hekk, il-KESE jqis li d-differenzi bejn il-livell ta’ integrazzjoni tas-suq finanzjarju u dak tas-superviżjoni finanzjarja, li baqgħet responsabilità tal-Istati individwali, għandhom jiġu indirizzati malajr, peress li huma waħda mir-raġunijiet tal-ħsarat li ġarrabna. Għal din ir-raġuni, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon din il-proposta li tipprevedi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA (1)) tkun inkarigata mis-superviżjoni tal-AKK. L-effikaċja tagħha tiddependi mill-adattament tar-regoli nazzjonali kkonċernati u mill-eliminazzjoni tal-konfużjoni li fadal, li tmur lil hinn mill-proposti attwali, kif mitlub minn xi pajjiżi.

1.3   Il-KESE jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon il-proposti fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (2), u b’mod partikolari l-kwistjonijiet bażiċi: it-trasparenza u l-konflitti ta’ interess, l-informazzjoni, il-kompetizzjoni u l-aġenziji ta’ gradazzjoni barranin. Filwaqt li jinsab konxju mill-kumplessità tas-suġġett, il-KESE jiddispjaċih għad-dewmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li kellu jipprevedi diġà dak li jinsab fil-proposti għall-emendi attwali.

1.4   Il-KESE jinsab imħasseb ukoll dwar in-natura speċifika tad-dejn sovran u, b’mod partikolari, dwar in-nuqqas li jitwaqqaf korp Ewropew għall-valutazzjoni tad-dejn sovran. Nistennew bil-ħerqa r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li qiegħda ssir bħalissa (3).

1.5   Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-kumpaniji sussidjarji Ewropej tal-aġenziji li għandhom is-sede ewlenija tagħhom barra mit-territorju tal-UE jkunu soġġetti għar-regoli l-ġodda fil-qasam tas-superviżjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-2009. L-aħjar soluzzjoni tkun dik ta’ ftehim fi ħdan il-G20 dwar il-ħolqien ta’ regoli globali, li jagħmlu koerenti d-diversi ġurisdizzjonijiet dwar is-suġġett, joħolqu kodiċi ta’ kondotta internazzjonali li l-aġenziji kollha jridu jirrispettaw, u jafdaw is-sorveljanza lill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja li għandu jkollu wkoll is-setgħa li jimponi penali, bi qbil mal-korpi tad-diversi pajjiżi. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li dan il-proċess diġà tnieda fuq inizjattiva tal-UE.

1.6   Il-KESE jqis li l-proċess ta’ riforma, li diġà beda, għandu jitħaffef u jitlesta aktar malajr.

1.7   Fil-fatt, il-ħolqien mill-ġdid tal-fiduċja tal-“konsumaturi” u tal-investituri fis-suq finanzjarju huwa indispensabbli, ħaġa li sseħħ biss jekk tingħata l-impressjoni u ċ-ċertezza li hemm is-serjetà, billi jittieħdu l-azzjonijiet u jiġu adottati miżuri ħorox kontra l-“atturi” li ma josservawx ir-regoli.

1.8   Minħabba r-rwol li kellhom l-aġenziji tal-gradazzjoni fil-kriżi reċenti tas-swieq tat-titoli u finanzjarji dinjija, il-KESE jqis bħala pożittiv il-fatt li tnieda programm fuq tliet fażijiet sabiex jiġu rregolati l-funzjonijiet li dawn l-aġenziji jwettqu f’isem l-investituri u l-konsumaturi (dwar dan, ara d-dokument ippreżentat mill-Kummissjoni dwar il-Konsultazzjoni Pubblika). Il-funzjoni li jwettqu l-AKK għandha rilevanza kbira biex tiżgura l-informazzjoni meħtieġa biex tevita t-teħid ta’ riskji eċċessivi fl-operazzjonijiet tal-kreditu, funzjoni li fiha nnifisha hija rilevanti biex tiżgura l-istabilità u s-sigurtà tas-swieq finanzjarji, l-attività tal-gradazzjoni tal-kreditu tagħhom tidher inqas ġustifikata fir-rigward tal-Istati sovrani. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tad-dejn sovran fil-konsultazzjoni pubblika li qiegħda ssir bħalissa.

1.9   Ir-raġunijiet biex tiġi indirizzata riflessjoni dwar l-oligopolju li ftit aġenziji tal-gradazzjoni għandhom fl-evalwazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-istrumenti jew mill-obbligi finanzjarji assunti mingħajr distinzjoni mill-investituri, il-banek, l-assigurazzjoni, jew il-gvernijiet nazzjonali, jinbtu, fil-biċċa l-kbira, mill-kunsiderazzjoni li l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-aġenziji hija ta’ natura ta’ ġid komuni u konsegwentement is-servizzi pprovduti minnhom jispiċċaw jieħdu valur ta’ interess ġenerali. Il-KESE bi pjaċir jinnota li xi intrapriżi ġodda Ewropej attivi fis-settur tal-gradazzjoni tal-kreditu kienu l-ewwel li talbu lill-ESMA l-awtorizzazzjoni biex ikunu jistgħu joperaw bħala aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu.

1.10   Meta l-aġenziji tal-gradazzjoni jikklassifikaw is-sostenibilità finanzjarja ta’ Stat sovran (ir-riskju sovran), kif ġara reċentement bit-tnaqqis tal-gradazzjoni tad-dejn pubbliku tal-Greċja u ta’ pajjiżi oħra tal-UE li għandhom djun kbar fis-swieq internazzjonali, titfaċċa mill-ewwel il-problema ta’ qbil bejn l-azzjonijiet u l-iskopijiet tagħhom (li jipprovdu b’mod trasparenti u responsabbli l-informazzjoni adegwata lis-suq) iżda titfaċċa wkoll il-possibilità ta’ konflitt ta’ interess bejn l-investituri internazzjonali privati (li jużaw il-gradazzjoni tal-evalwazzjoni tar-riskji fl-attivitajiet ta’ investiment tagħhom) u ċ-ċittadini/il-konsumaturi tal-pajjiż li jsofru l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dikjarazzjoni ta’ falliment probabbli tad-dejn sovran tiegħu, minkejja l-fatt li d-dejn seta’ ġie kkawżat minħabba ċerti nuqqasijiet u omissjonijiet min-naħa tal-politiċi.

1.11   L-aġenziji tal-gradazzjoni jistgħu jagħmlu gradazzjoni tad-dejn sovran bil-kundizzjoni li jkollhom l-istrumenti u l-metodoloġiji adegwati, u li jirrispettaw ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti.

1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-gradazzjoni tad-dejn sovran hija kwistjoni ta’ interess pubbliku. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika li nediet il-Kummissjoni u jistenna bil-ħerqa li jippreżenta l-opinjoni meqjusa tiegħu meta jasal il-waqt. Madankollu, il-KESE jittama li d-dejn sovran jiġi vvalutat minn aġenzija speċjalizzata internazzjonali jew Ewropea indipendenti, li tħares l-interess komuni. Din l-aġenzija trid taħdem b’effiċjenza, trasparenza u bi strumenti adatti.

1.13   Huwa kruċjali li fis-settur tal-gradazzjoni tal-kreditu jkun hemm kompetizzjoni akbar bejn l-aġenziji tal-gradazzjoni, kemm bejniethom u kemm bejnhom u aġenziji terzi indipendenti. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li f’każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ ftehim fil-livell internazzjonali, tiġi kkunsidrata wkoll il-possibilità li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea inkarigata speċifikament mid-dejn sovran; bħalma għandu jiġi promoss il-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea awtorevoli għall-gradazzjoni tal-kreditu ordinarju, bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur.

1.14   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, flimkien mal-proposta ta’ superviżjoni Ewropea tal-aġenziji tal-gradazzjoni, ir-Regolament tal-2009 indirizza wkoll il-kwistjonijiet l-aktar rilevanti marbuta magħha (il-penali, il-kompetizzjoni, il-konflitt ta’ interess, l-informazzjoni) (4).

1.15   Il-KESE jqis it-tnaqqis tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fil-leġislazzjoni li tikkontrolla s-settur bħala ħaġa pożittiva. L-għan ta’ dan huwa li jiġi faċilitat l-iskambju tal-informazzjoni u l-koerenza bejn il-liġijiet differenti, sabiex jiġi evitat li l-effetti tas-superviżjoni Ewropea jiġu newtralizzati.

1.16   Il-KESE jipproponi li jiffaċilita l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali favur l-utenti tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji (konsumaturi, intrapriżi, eċċ.). Barra minn hekk, jista’ jiġi previst li fl-awtoritajiet Ewropej tas-superviżjoni (issa s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji – SESF) ikun hemm rappreżentant wieħed jew aktar tal-konsumatur/i propost/i mill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

1.17   Il-KESE jipproponi li tiġi inċentivata b’mod wiesa’ s-sistema ta’ produzzjoni tal-informazzjoni finanzjarja, favur il-pluralità tas-suġġetti u t-tfassil ta’ regoli ġodda mmirati lejn trasparenza u effikaċja ikbar tal-metodi ta’ gradazzjoni, b’mod partikolari għad-derivati.

1.18   Il-KESE jipproponi li titwarrab, anki f’livell internazzjonali, is-sistema preżenti tal-awtoregolamentazzjoni. Jeħtieġ li titkompla, fi ħdan il-proċess ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet kompetenti differenti, l-identifikazzjoni ta’ regoli stretti li jgħoddu għall-pajjiżi kollha u ċ-ċertezza li dawn jiġu applikati. L-UE għandha tagħmel kull sforz biex tikseb dan l-għan fl-organi internazzjonali.

1.19   Fl-aħħar nett, il-KESE jipproponi li jiġi ssemplifikat u ċċarat iktar ir-Regolament sabiex jinftiehem u jiġi applikat aħjar; ir-regoli kkumplikati jiġu evitati b’aktar faċilità.

1.20   Il-KESE jitlob li jitneħħa l-obbligu impost fuq l-aġenziji tal-gradazzjoni biex jikklassifikaw it-titoli sabiex dawn ikunu jistgħu jinbiegħu (hekk kif jipproponi wkoll il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja). It-tneħħija ta’ din il-kundizzjoni, meħtieġa biex it-titoli jitpoġġew fis-suq, għandha tevita li jiġu aċċettati passivament strumenti finanzjarji b’livell għoli ta’ riskju, anke f’każ ta’ “marka” għolja. Il-KESE jaqsam mal-Grupp Larosière it-tħassib li l-użu tal-gradazzjoni għal kapital regolatorju jneħħi wisq mir-responsabbiltà minn spallejn l-istituzzjonijiet finanzjarji filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ l-oligopolju tal-AKK. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li din il-kwistjoni tagħmel parti mill-konsultazzjoni pubblika li qiegħda ssir bħalissa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Kif inhu diġà magħruf, in-nuqqasijiet serji fir-rigward tar-regolazzjoni u s-superviżjoni tal-finanzi internazzjonali kienu fost il-kawżi ewlenin tal-kriżi reċenti. Barra minn hekk, il-kriżi ħarġet fil-beraħ b’mod qawwi l-kontradizzjonijiet bejn sistema finanzjarja u gruppi bankarji li joperaw bħala intrapriżi globali, filwaqt li huma rregolati u obbligati li ma jibqgħux jeżistu bħala korpi taħt il-liġi nazzjonali (Mervyn King, Gvernatur tal-Bank of England).

2.2   L-istess jgħodd fl-Unjoni, fejn il-kriżi aċċellerat il-ħtieġa li taġixxi b’ħeffa u tiddefinixxi qafas ta’ referenza Ewropew kemm għar-regolamentazzjoni u kemm għas-superviżjoni. Fil-fatt, fil-konfront ta’ suq tal-finanzi dejjem aktar integrat, indunajna li l-Istati Membri jadottaw regoli u sistemi tas-superviżjoni differenti ħafna minn ta’ xulxin.

2.3   Il-Kummissjoni Ewropea adottat approċċ progressiv għar-regolazzjoni dwar l-AKK. Eżatt wara li bdiet il-kriżi bankarja, l-enfasi kienet fuq ir-regolazzjoni u s-superviżjoni, b’enfasi partikolari fuq il-gradazzjoni tad-derivati kumplessi u l-konflitti ta’ interess involuti. In-nuqqasijiet fil-gradazzjoni ta’ dawn l-istrumenti kkontribwixxew b’mod materjali għall-kriżi (5).

2.4   B’mod parallel mal-progress leġislattiv li sab il-milja tiegħu fir-Regolament tal-2009, is-sejbiet tal-Grupp Larosière wasslu għad-deċiżjoni biex tinbidel għalkollox ir-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja fl-UE. Minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet adottata proposta biex jiġi implimentat qafas superviżorju fuq żewġ livelli fl-UE. Hemm tliet korpi superviżorji speċifiċi fil-livell il-baxx, u wieħed minnhom, l-ESMA (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni tal-AKK. Il-Proposta għal Regolament indirizzata f’din l-opinjoni tittratta biss il-bidliet li saru lill-ewwel Regolament li huma neċessarji sabiex is-setgħat tal-ESMA jiġu inkorporati fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-2009.

2.5   Billi l-kriżi finanzjarja, li kellha l-oriġini tagħha fil-qasam bankarju, issa ġiet issurpassata mill-kriżi tad-dejn sovran, qed joħorġu mistoqsijiet ġodda dwar ir-rwol tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu f’relazzjoni, inter alia, għad-dejn sovran. Jista’ jkun li din il-fażi ulterjuri ta’ attività tirriżulta fit-tielet regolament, li għalissa jeżisti biss bħala dokument ta’ konsultazzjoni pubblika datat il-5 ta’ Novembru 2010. It-titoli tal-kapitoli jagħtu indikazzjoni tal-kwistjonijiet involuti: id-dipendenza mill-gradazzjoni tal-kreditu għal kapital regolatorju, il-gradazzjoni tad-dejn sovran, it-tisħiħ tal-kompetizzjoni fl-industrija tal-gradazzjoni tal-kreditu, ir-responsabbiltà ċivili tal-AKK u l-konflitti ta’ interess potenzjali. Huwa mistenni li l-KESE jagħti opinjoni meqjusa meta jasal il-waqt dwar dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest probabbli tar-regolament il-ġdid imsemmi.

2.6   Barra minn hekk, anki r-regoli armonizzati fil-livell Ewropew iħallu wisq diskrezzjoni u spazju għal għażliet nazzjonali, minbarra li jiżdiedu l-“interpretazzjonijiet” nazzjonali waqt il-fażi tat-traspożizzjoni tar-regoli.

2.7   Il-Grupp Larosière sab li l-AKK kellhom limiti serji, b’mod partikolari fir-rigward tad-derivati kumplessi, u fir-rigward tal-metodoloġiji ta’ gradazzjoni li jużaw, in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza, u l-konflitti ta’ interess evidenti (4).

2.8   Barra minn hekk, qed niffaċċjaw monopolju fil-veru sens tal-kelma, billi l-aġenziji li jikkontrollaw madwar 90 % tas-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu huma biss tlieta: Moody's, Standard & Poor’s u Fitch, kważi kollha Amerikani. Dawn kellhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li d-dinja sabet ruħha fiha. Filwaqt li l-formula “issuer-pays” (iħallas l-emittent) taħdem pjuttost tajjeb għad-dejn sovran u korporattiv, ħolqot konflitt ta’ interess enormi għall-gradazzjoni tad-derivati kumplessi, biex b’hekk inħoloq ċirku vizzjuż, bi ħsara għat-trasparenza tal-operazzjonijiet imwettqa.

2.9   Iżda qisu qatt ma ġara xejn, huma l-istess aġenziji li għadhom jagħtu l-gradazzjonijiet, li mhumiex neċessarjament oġġettivi. Tant hu hekk li, fis-26 ta’ April 2010, Standards & Poor’s, minkejja l-approprjazzjoni ta’ EUR 110 biljun lill-Greċja mill-Unjoni, baxxiet il-gradazzjoni tad-dejn Grieg għal-livell tal-Azerbajġan.

2.10   Kien biss wara dawn l-avvenimenti u l-kritika li saret minn mexxejja Ewropej importanti dwar il-funzjonament tas-sistemi tal-gradazzjoni tal-kreditu li l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi l-konsultazzjoni pubblika msemmija hawn fuq li tinkludi l-kwistjoni tad-dejn sovran. Ċerti gvernijiet fl-Istati Membri jistmerru l-idea li s-swieq jistgħu joħorġu fid-dieher l-iżbalji u l-kalkoli ħżiena ta’ gvernijiet li jberbqu l-flus, anke l-gvernijiet li ilhom minn żmien żemżem jonqsu li jħallsu d-dejn sovran tagħhom. Sadanittant, din l-opinjoni tirrigwarda r-Regolament tal-2009.

2.11   Hekk il-Kummissjoni bil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2010 (6) enfasizzat dak li sar u dak li għad irid isir (ara t-tabelli mehmuża) għall-ħolqien ta’ sistema finanzjarja Ewropea aktar sigura, aktar trasparenti u aktar responsabbli, li taqdi l-ekonomija reali u s-soċjetà kollha kemm hi.

2.12   Minn hemm oriġinat it-talba għat-twettiq ta’ superviżjoni ċentralizzata fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu li joperaw fl-UE, bir-responsabilità fdata f’idejn is-sistema l-ġdida Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja u f’idejn it-tliet awtoritajiet ta’ superviżjoni Ewropej, u li l-analiżi tal-kwistjonijiet fundamentali marbutin magħha tiġi posposta.

3.   Sommarju tal-emendi għar-Regolament 1060/2009

3.1   Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet (Emendi għat-Titolu I)

3.1.1   L-element ewlieni, tal-ikbar importanza, kif diġà ssemma, huwa li s-sorveljanza tgħaddi mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew, bl-għoti tal-parti l-kbira tas-setgħa ta’ kontroll lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fuq l-aġenziji rreġistrati fl-Ewropa, kif ukoll fuq dawk ta’ pajjiżi oħra iżda li joperaw fl-Ewropa (fergħat Ewropej).

3.1.2   L-Artikolu 4 jelenka l-amministraturi ta’ fondi ta’ investiment alternattivi bl-iskop li jiġu trattati bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra tal-UE fir-rigward tal-użu tal-gradazzjoni tal-kreditu, jiġifieri, jekk dawn il-fondi jirrikorru għall-gradazzjoni tal-kreditu, gradazzjoni bħal din għandha ssir minn aġenzija reġistrata kif dovut jew ċertifikata skont ir-Regolament il-ġdid.

3.2   Ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu, aċċess għall-informazzjoni (Emendi għat-Titolu II)

3.2.1   Dawk li jipprovdu strumenti finanzjarji strutturati jew partijiet terzi relatati magħhom għandhom jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni anki min-naħa tal-aġenziji li jkunu f’kompetizzjoni ma’ dawk użati minnhom, għall-iskop biss li jiggradaw il-kreditu u mhux għal skopijiet oħra. Dan għandu jevita l-konflitti ta’ interess min-naħa tal-aġenziji li jiġu mħallsa mill-emittent, jiġifieri minn min jitlob il-gradazzjoni (sic!) (il-mudell “issuer-pays”).

3.3   Proċedura ta’ reġistrazzjoni u superviżjoni fuq l-attivitajiet ta’ gradazzjoni (Emendi għat-Titolu III)

3.3.1   Bl-introduzzjoni tas-superviżjoni unika fil-livell Ewropew, tinħoloq il-ħtieġa li jiġu eliminati r-regoli attwali li jipprevedu l-koordinazzjoni tas-superviżjoni kolleġġjali (abolizzjoni tal-kulleġġi) biex tkun tista’ ssir superviżjoni aktar effettiva tal-aġenziji li joperaw f’diversi territorji. Barra minn hekk, l-awtorità Ewropea tista’ titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tirregola l-proċedura ta’ reġistrazzjoni u l-istandards fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata. Hija għandha s-setgħa li titlob l-informazzjoni, tinvestiga l-possibilità ta’ ksur tar-Regolament, twettaq spezzjonijiet, eċċ.

3.4   Koperazzjoni bejn l-awtorità Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali (Emendi għat-Titolu III)

3.4.1   L-awtoritajiet nazzjonali jżommu l-kontroll fir-rigward tal-użu li jsir mill-gradazzjoni tal-kreditu mill-entitajiet taħt superviżjoni (il-banek, l-assigurazzjonijiet, il-kumpaniji tal-investiment, eċċ.); huma jaqsmu l-informazzjoni dwar l-aġenziji, jikkoperaw u jgħinu lill-awtorità Ewropea.

3.4.2   L-awtorità Ewropea tista’ tiddelega xi dmirijiet lill-awtoritajiet nazzjonali, anki minħabba kwistjoni ta’ spejjeż. B’mod partikolari jistgħu jiġu delegati funzjonijiet bħal: l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet fuq il-post, l-evalwazzjoni tat-talbiet għar-reġistrazzjoni u aspetti oħra relatati mas-superviżjoni. F’dan ir-rigward, għandhom jinħarġu linji gwida speċifiċi mill-awtorità Ewropea, li madankollu tibqa’ żżomm ir-responsabilità tagħha f’dan il-qasam.

3.5   Penali, proċedura tal-kumitat (Emendi għat-Titolu IV, Kap. 1)

3.5.1   L-Awtorità Ewropea tista’ titlob lill-Kummissjoni Ewropea li timponi penali fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu bl-iskop li twaqqaf ksur billi tagħmel komunikazzjoni pubblika, iġġegħilha tagħti l-informazzjoni mitluba jew tissottometti lilha nnifisha għal investigazzjoni. Jekk aġenzija tikser ir-Regolament, l-awtorità Ewropea tista’ ġġegħilha tħallas penali, tista’ titlob sospensjoni temporanja tal-ħruġ ta’ gradazzjonijiet ġodda, tista’ titlobha ttemm il-ksur, sakemm fl-aħħar nett tirrikorri għar-revoka tar-reġistrazzjoni.

3.5.2   Il-proċeduri tal-kumitat ġew allinjati mat-Trattat ta’ Lisbona.

3.6   Dispożizzjonijiet transitorji u finali (Emendi għat-Titolu IV, Kap. II)

3.6.1   Wara li tibda topera L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fl-istess qasam għandhom jintemmu. Ikun meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-modi tat-trasmissjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

3.7   Il-KESE jemmen li r-riżultati tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Aġenziji tal-Gradazzjoni mnedija reċentement mill-Kummissjoni Ewropea jaqblu mal-konklużjonijiet espressi f’din l-Opinjoni. Il-KESE huwa lest li eventwalment japprofondixxi l-punti msemmija fiha.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni sejra fid-direzzjoni t-tajba billi jirnexxilha tmexxi s-superviżjoni mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew, attività tassew kumplessa li ma tistax tagħti riżultati sodisfaċenti permezz ta’ attività kolleġġjali bejn l-Istati biss (7), skont il-proposta preċedenti għal Regolament; barra minn hekk hija sejra fid-direzzjoni t-tajba diġà indikata mir-rapport Larosière (8). Jista’ jkun li l-leġislazzjoni hija vaga wisq, fis-sens li mhux dejjem toffri soluzzjonijiet ċerti.

4.2   Iżda, barra minn hekk, meta mqabbla mar-Regolament preċedenti (Settembru 2009), il-proposta attwali ma temendax ħafna l-kundizzjonijiet tal-aġenziji ta’ gradazzjoni fir-rigward tar-regoli li għandhom jirrispettaw, kemm biex jiġu rreġistrati u kemm biex jiżvolġu l-attività tagħhom.

4.3   Madankollu, l-aktar mistoqsija importanti tibqa’ dik li tirrigwarda l-aġenziji li joperaw barra mill-Ewropa u li fil-fatt mhumiex affettwati mill-emendi proposti: min hu tassew ikkonċernat mir-Regolament Ewropew? Kif tista’ xxejjen il-gradazzjonijiet mogħtija, pereżempju minn Moody’s, Standard & Poor’s u Fitch, li għadhom l-aġenziji bl-akbar influwenza minkejja d-diżastri li kkawżaw? Huwa biżżejjed li jiġu kkontrollati l-fergħat Ewropej tagħhom biex jitwaqqaf l-oligopolju dinji tagħhom?

4.4   Huwa magħruf liema huma l-aġenziji ewlenin li joperaw fil-livell internazzjonali: Moody’s, Standard & Poor’s, Fitch ratings, Dun & Bradstreet, A. M. Best, Egan-Jones Rating Company (kollha fl-Istati Uniti), Dominion Bond Rating (il-Kanada), Baycorp Advantage (l-Awstralja), China Credit Information Credit (iċ-Ċina), Japan Credit Rating (il-Ġappun), Rating Agency Lalaysia (il-Malasja), NKC Independent Economists (l-Afrika t’Isfel). U l-Ewropa fejn qiegħda? Jibqa’ l-fatt li l-Ewropa, is-setgħa ekonomika ewlenija fid-dinja, M’GĦANDHA l-ebda aġenzija li tiggrada l-kreditu, lanqas ta’ dak sorvran!

4.5   Il-grupp Anglo-Sassonu fost dawn l-aġenziji jirrifletti d-dominanza tal-kapitaliżmu Anglo-Sassonu li lanqas żewġ gwerer dinjija u l-kwistjonijiet operazzjonali speċifiċi relatati mal-ekonomiji Asjatiċi ma setgħu jwaqqfu. Huwa sorprendenti li l-ebda aġenzija Ewropea ma ħarġet minn mindu twaqqaf is-Suq Komuni, għalkemm Fitch, li għandha sjieda Franċiża, għandha l-bażi tagħha barra minn Franza. Il-fatt li fl-UE ma ħarġet l-ebda AKK b’influwenza globali mill-1957 ’l hawn jista’ jitqabbel mal-prestazzjoni daqstant fqira tal-UE fl-industriji tat-teknoloġija avvanzata tul l-istess perijodu. L-UE ma trawwimx intraprendituri f’industriji moderni. Il-kwistjoni tal-kompetizzjoni ser tiġi eżaminata mill-ġdid fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar l-AKK. Jeħtieġ li d-defiċit intraprenditorjali jiġi eżaminat ukoll.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-KESE jqis bħala pożittiv il-ħolqien ta’ awtorità Ewropea responsabbli għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji; il-proposta tirrappreżenta bla ebda dubju pass pożittiv fid-direzzjoni t-tajba, li tagħmel il-qafas legali aktar adegwat għall-ħtiġijiet li nħolqu, f’tentattiv biex jerġgħu jingħataw il-fiduċja u s-sigurtà lis-swieq, liċ-ċittadini u lill-intrapriżi. Madankollu, il-proposta biss mhux biżżejjed biex tilħaq l-għanijiet li għandha fil-mira.

5.2   Għandha titqies b’mod pożittiv ukoll il-proposta li l-gradazzjoni tal-fondi ta’ investiment alternattiv, jekk tintalab, issir minn aġenzija rreġistrata jew ċertifikata.

5.3   Mill-banda l-oħra, jidher aktar diffiċli li, bil-proposta attwali, il-mudell “issuer-pays” ikun trasparenti, oġġettiv u kompetittiv, peress li fis-sistema jibqa’ l-konflitt ta’ interess. L-aġenziji li jinsabu f’sitwazzjoni bħal din m’għandhomx jitħallew joħorġu gradazzjoni tal-imsieħba tagħhom. Hija ħaġa pożittiva li tnieda proċess ta’ konverġenza tar-regoli fil-livell internazzjonali, pereżempju, kif qed iseħħ bħalissa fl-Istati Uniti, fil-Ġappun, eċċ.

5.4   Il-KESE jqis bħala pożittiv, anki minħabba l-ispejjeż, li xi funzjonijiet jiġu ddelegati lill-awtoritajiet nazzjonali, iżda bil-kundizzjoni li dan kollu jsir b’mod ċar bħala qsim tar-responsabiltajiet bejn l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġu rispettati l-impenji u li l-interventi fir-rigward tal-korrettezza tal-informazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.5   Il-KESE jqis bħala pożittiva l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-penali applikati fuq l-aġenziji li ma jkunux konformi jew li ma jirrispettawx ir-Regolament.

5.6   Il-problema reali għal dawk li jfasslu l-politika, ladarba mhux qed nittrattaw ma’ “prinċipjanti”, mhijiex biss li jinstabu regoli ċerti u tassew dissważivi, iżda wkoll li jiġi żgurat li dawn jiġu osservati. Għalhekk jeħtieġ li f’dan ir-rigward nipprevedu penali għad-diriġenti wkoll u għal dawk responsabbli fi ħdan l-awtoritajiet Ewropej u internazzjonali għas-superviżjoni tas-swieq, meta dawn ma jikkonformawx, minħabba l-ħsarat li n-nuqqasijiet tagħhom jikkaġunaw lill-banek u lis-saħħa tas-settur finanzjarju, kif ukoll lill-ekonomija, lill-intrapriżi u liċ-ċittadini. Jagħmlu favur kbir biss lill-ispekulaturi u lil dawk kollha li jinsabu warajhom. Huma għandhom tal-inqas iħallsu personalment għan-nuqqasijiet tagħhom. Huwa diffiċli li jkun hemm l-“etika” mitluba minn diversi bnadi f’dan iż-żmien ta’ taqlib kbir, bla ma jkun hemm responsabilità u, għalhekk, penali.

5.7   Barra minn hekk, tidher mhux għalkollox adegwata l-parti dwar kwistjonijiet fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati aħjar il-kwistjonijiet dwar l-utenti ta’ prodotti finanzjarji, kemm l-intrapriżi kif ukoll – u b’mod partikolari – iċ-ċittadini.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  European Securities Market Authority.

(2)  Minn issa ’l quddiem imsejjaħ “Regolament tal-2009”.

(3)  “Public consultation on Credit Rating Agencies” tal-5.11.2010.

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, ĠU C 277/25, 17.11.2009, p. 117.

(5)  Deskrizzjoni fil-qosor tar-Regolament tal-2009 tinsab fit-tielet sezzjoni tal-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, ĠU C 277/25, 17.11.2009, p. 117.

(6)  Ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku, COM(2010) 301 finali.

(7)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposti li ġejjin: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, COM(2009) 499 finali - 2009/0140 (COD); Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea, COM(2009) 501 finali - 2009/0142 (COD); Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, COM(2009) 502 finali - 2009/0143 (COD); Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jstabbilixxi Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, COM(2009) 503 finali - 2009/0144 (COD), ĠU C 339/08, 14.12.2010, p. 34.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija”

COM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD)

(2011/C 54/13)

Relatur ġenerali: is-Sur JÍROVEC

Nhar is-7 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija

COM(2010) 395 finali – 2010/0212 (COD).

Nhar l-14 ta’ Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità ma’ Artikolu 57 tar-Regoli ta’ Proċedura, matul l-467 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 u (seduta tad-9 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur Jírovec bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’142 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni u kontenut essenjali tal-proposta

1.1   L-għan tal-Proposta għal Regolament huwa li jiġu stipulati regoli dettaljati dwar il-manifattura tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija. Il-leġisżlazzjoni eżistenti ser tiġi sostitwita biex tkun konformi mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u s-Semplifikazzjoni. Il-proposta tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija u għall-funzjonament tas-suq intern.

1.2   Fid-dawl tar-rakkomandazzjoni fir-rapport CARS 21, il-proposta tissemplifika konsiderevolment il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip billi tissostitwixxi l-24 Direttiva bażika (u madwar 35 Direttiva li jemendaw li huma relatati ma’ dan is-suġġett) fil-qasam tar-rekwiżiti tekniċi għall-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija b’Regolament wieħed tal-Kunsill u l-Parlament.

1.3   Fil-fehma tal-Kumitat, il-kodifikazzjoni tat-testi eżistenti kollha f’forma ta’ Regolament uniku tkun eżerċizzju utli. Il-kodifikazzjoni proposta tinkludi l-garanzija li mhux ser tintroduċi tibdil sinifikanti u ser isservi biss biex tippreżenta l-leġislazzjoni tal-UE b’mod ċar u trasparenti. Il-Kumitat japprova bis-sħiħ dan il-għan u jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta fid-dawl ta’ din il-garanzija.

2.   Kummenti

2.1   Il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tieħu ħafna ħin u l-KESE jibża’ li, minħabba din il-proċedura, il-makkinarju l-ġdid idum ma jiġi introdott, u dan ikollu konsegwenzi koroh ħafna għall-produtturi ta’ volumi żgħar. Ir-Regolament il-ġdid għandu għalhekk ikun flessibbli biżżejjed biex jagħmilha possibbli li l-magni eżistenti jibqgħu jiġu żviluppati u li jibqgħu jiġu introdotti tipi ġodda ta’ magni.

2.2   Għal ċerti tipi ta’ tratturi magħmulin għall-użu off-road biss, għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ eżenzjonijiet għad-dispożizzjonijiet relatati mal-użu tat-triq. Din hija problema partikolari marbuta mal-vetturi speċjalizzati.

2.3   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li kull regolament għandu jkun ibbażat fuq għadd akbar ta’ klassijiet tal-veloċità, u mhux biss fuq iż-żewġ klassijiet ta’ bħalissa. Peress li t-teknoloġija kulma jmur qed ittejjeb l-istabbiltà u l-qawwa tal-brejkijiet tat-tratturi, il-veloċità tat-tratturi b’veloċità għolja maħsuba għas-sewqan fit-triq tiżdied. Għandhom jinħolqu opportunitajiet għal vetturi li jsuqu aktar bil-mod li jagħmlu parti mill-“kategorija tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija”. Fil-fehma tal-KESE, il-Proposta għal Regolament ixxekkel l-iżvilupp ta’ tratturi aktar żgħar billi żżid l-ispejjeż bla bżonn sabiex dawn ikunu konformi, u fl-istess ħin ma tirrikonoxxix it-tibdil meħtieġ fuq il-vetturi li jistgħu joperaw b’sa 65 km kull siegħa u bil-possibbiltà ta’ veloċitajiet aktar għoljin fil-ġejjieni.

2.4   Il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet periferiċi relatati mal-użu tal-vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija fit-triq. B’mod partikolari, il-KESE jinkoraġġixxi li jiġu stabbiliti standards Ewropej għal-liċenzji tas-sewqan, l-ispezzjonijiet tal-vetturi u l-użu fit-triq. Dan jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li r-regoli u r-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-tratturi jkunu l-istess fl-Ewropa kollha, minflok il-qagħda attwali b’għadd ta’ regoli nazzjonali differenti.

2.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-produtturi jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti relatati mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, inklużi r-rekwiżiti tekniċi. Fil-każi fejn dan ma jistax isir, għandu jkun hemm arranġamenti eċċezzjonali jew tranżizzjonali adatti.

2.6   Fil-fehma tal-KESE, ikun utli li, fir-rigward tal-Artikolu 8 “Rekwiżiti dwar is-sikurezza okkupazzjonali” ma jsirux aktar regolazzjonijiet permezz ta’ Direttivi tal-approvazzjoni tat-tip, iżda permezz tad-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet”

COM(2010) 484 finali – 2010/0250 (COD)

(2011/C 54/14)

Relatur ġenerali: is-Sur IOZIA

Nhar it-13 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill u nhar is-7 ta’ Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

COM(2010) 484 finali – 2010/0250 (COD).

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-467 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru) li jaħtar lis-Sur Iozia bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’144 vot favur, 4 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Kummenti u rakkomandazzjonijiet

1.1   Skont il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), il-valur nozzjonali tad-derivati sa l-aħħar tal-2009 kien ta’ madwar 615 elf biljun dollaru Amerikan (615 000 000 000 000), ’il fuq minn 10 darbiet il-PDG globali. Id-dħul tal-2010 minn dawn id-derivati, għall-banek, għandhom jilħqu l-150 biljun dollaru. 40 % ta’ din iċ-ċifra huwa magħmul mis-swieq mhux regolati (OTC). Minn studju reċenti ta’ grupp bankarju dinji kbir joħroġ li r-riformi li ser jiġu adottati fl-Ewropa u l-Istati Uniti dwar dawn l-OTC ser inaqqsu d-dħul b’tal-anqas ħmistax-il biljun dollaru.

1.2   Il-KESE huwa favur il-proposta ta’ regolament fuq id-derivati, is-swieq mhux regolati, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u jaqbel ma’ dak li stqarr il-Kummissarju Barnier: “Is-swieq finanzjarji ma jistgħux jibqgħu fit-territorju tal-Far West. Id-derivati OTC għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija reali, li testendi mill-mutwalitajiet sal-prezzijiet tal-ikel. In-nuqqas ta’ qafas regolatorju għad-derivati OTC ikkontribwixxa għall-kriżi finanzjarja u għall-konsegwenzi drammatiċi li kollha kemm aħna qed inħossu l-effetti tagħhom”.

1.3   L-għażla li jintuża regolament għad-dixxiplina tal-qasam hija proporzjonata u tirrispondi għall-ħtieġa li jiddaħħlu obbligi ġenerali u uniformi għall-operaturi kollha fis-settur.

1.4   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li d-derivati standard jiġu trattati permezz tal-kontropartijiet ċentrali (CCP) u li jiġi assigurat li s-CCP, li jieħdu riskji akbar ikollhom regoli uniformi ta’ prudenza. Fuq kollox, din l-idea kienet diġà f’opinjoni preċedenti tal-KESE: “Is-swieq OTC m’għandhomx ikunu miftuħin għal transazzjonijiet bilaterali, iżda għandhom jaħdmu biss bil-kontroparti ċentrali, li bis-sorveljanza tal-livell ta’ riskju globali, tkun tista’ tillimita l-aċċess għat-transazzjonijiet għal dawk il-partijiet li huma esposti wisq. Dawn it-transazzjonijiet għandhom iseħħu fuq pjattaforma unika, jew l-aktar, fuq grupp definit ta’ pjattaformi, biex titjieb it-trasparenza tas-swieq”.

1.5   Il-KESE huwa favur l-għażla li r-responsabbiltà tas-sorveljanza tas-swieq tad-derivati OTC (mibjugħa barra mill-borsa), tal-identifikazzjoni tat-tipoloġiji differenti tad-derivati li għandhom jiġu tratttati b’mod ċentrali, tal-għoti, l-irtirar jew il-modifika tal-awtorizzazzjoni tas-CCP u l-iżvolġiment ta’ rwol simili fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tiġi fdata lill-awtorità nazzjonali flimkien mal-ESMA.

1.6   Il-KESE jqis li huwa indispensabli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn din l-awtorità u l-awtoritajiet nazzjonali li bla ebda dubju ser jintalbu li jagħtu l-kontribut tagħhom f’esperjenza u għarfien dwar is-swieq lokali u li ser ikollhom jiffaċilitaw il-proċess tat-tkabbir gradwali tal-interoperabbiltà tas-CCP, filwaqt li jivvalutaw il-livell tagħhom ta’ kompetenza, l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-kapaċita tagħhom li jaffaċċjaw ir-riskji. Fil-mument, tidher adatta l-għażla li l-interoperabbiltà tiġi limitata għall-istrumenti finanzjarji li jsiru f’kontanti.

1.7   Fil-fatt, il-proposta ta’ regolament timplimenta l-indikazzjonijiet tal-Financial Stability Board li jiġu estiżi s-servizzi tal-kontropartijiet ċentrali għad-derivati OTC standardizzati, il-G-20 stabbilixxa li sal-aħħar tal-2012, dawn il-kuntratti jridu jiġu negozjati fis-swieq jew fuq pjattaformi elettroniċi u jitħallsu permezz tal-kontropartijiet ċentrali (CCP). Barra minn hekk, id-derivati OTC iridu jkunu reġistrati fir-repożitorji dwar it-tranżazzjonijiet (trade repositories).

1.8   Fi Frar 2010, fil-qasam internazzjonali, grupp ta’ ħidma konġunta CPSS-IOSCO nieda reviżjoni globali tal-istandards għall-istrutturi tas-suq: sistemi ta’ ħlas, sistemi ta’ settlement ta’ titoli u kontropartijiet ċentrali. L-għan huwa li jsir aġġornament tal-prinċipji/rakkomandazzjonijiet attwali u li jissaħħu, fid-dawl ta’ dak li wieħed jista’ jitgħallem mill-kriżi finanzjarja reċenti. L-ewwel riżultat importanti intlaħaq bil-pubblikazzjoni ta’ “Considerations for trade repositories in OTC derivatives market” f’Mejju 2010. Mill-banda l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-rwol tas-CCP, f’Marzu 2004 kienu diġà saru xi rakkomandazzjonijiet utli mill-Kumitat Tekniku, li sfortunatament ma ngħatawx widen.

1.9   Il-proposta tal-Kummissjoni ma tirreferix għal regolament speċifiku dwar il-Credit Default Swaps (CDS). Il-KESE jittama li ma jdumx ma jiġi adottat regolament dwar is-CDS, li jkollhom restrizzjonijiet fuqhom, flimkien mal-bejgħ skopert (short selling), mill-1 ta’ Lulju 2012, filwaqt li fil-każ tad-derivati sal-aħħar tal-2012.

1.10   F’Ottubru 2009 il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet futuri li ser jittieħdu biex jirregolaw is-suq tad-derivati. L-objettiv huwa li tikber it-trasparenza, jonqsu r-riskji operattivi permezz tal-istandardizzazzjoni u li jiżviluppaw is-swieq tal-kuntratti standardizzati, billi tinbidel id-direttiva MiFID skont il-ħtieġa.

1.11   Il-KESE huwa konvint li d-dispożizzjonijiet proposti jżidu t-trasparenza tas-swieq, billi jikber ir-rwol tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, li jnaqqsu r-riskju tal-kontroparti, minħabba f’żjieda fl-għadd ta’ operazzjonijiet li jiġu regolati permezz tas-CCP. Dawn, min-naħa tagħhom ser ikollhom regoli aktar stretti fil-qafas tal-governanza, l-organizzazzjoni interna u r-rekwiżiti tal-kapital, li jnaqqsu r-riskju operattiv, permezz tal-użu ta’ proċeduri elettroniċi għall-validazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti fuq id-derivati OTC.

1.12   Il-KESE jaqbel kemm mal-proposta tal-kontroparti ċentrali, kif ukoll fuq il-limitu għall-bejgħ skopert. It-trasparenza fit-tranżazzjonijiet, ir-responsabbiltà tal-operaturi u l-kontropartijiet u l-iskartar tal-eċċessi spekulattivi huma objettivi meħtieġa li l-Kummissjoni qed issegwi b’mod effettiv, permezz ta’ miżuri adatti biex tpatti, tal-anqas parzjalment, għan-nuqqas ta’ regolamentazzjoni li kkontribwiet għall-kriżi finanzjarja.

Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni li hemm riskji li m’għandhomx jiġu sottovalutati, li jirrigwardaw, pereżempju, l-enfasi żejda fuq il-benefiċċji li s-CCP jistgħu jġibu lis-swieq tas-CDS fi żmien qasir. In-natura kompetittiva tas-CCP differenti fil-kumpens u l-ifframmentar tal-proċess kollu hija fattur ieħor li m’għandux jiġi sottovvalutat, l-istess bħar-riskju li l-firxa tal-istrumenti disponibbli tiġi llimitata u jiżdiedu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet marbutin mal-attivitajiet finanzjarji.

1.13.1   Sabiex dawn ir-riskji jiġu evitati b’mod effettiv, l-ewwel nett għandhom jiġu studjati bir-reqqa l-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà tas-CCP, tal-kunfidenzjalità tal-iskambju tad-data, tal-konċentrazzjoni tal-ġbir ta’ data u l-obbligu tal-informazzjoni għall-kontroparti ċentrali u tal-parteċipazzjoni tal-klijenti fil-governanza tas-CCP.

1.14   Il-KESE jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej:

li fi żmien qasir jadottaw ir-regolament dwar is-swieq tad-derivati OTC li jwassal biex terġa’ tirritorna l-kalma u l-fiduċja fis-swieq u li jitħarsu dawk li jfaddlu,

li r-regolament il-ġdid dwar il-qasam tad-derivati jiġi komplut, kif qed tipprevedi l-Kummissjoni.

li jsir sforz biex titħaffef it-tkomplija tal-qafas istituzzjonali u regolatorju kollu marbut mar-riforma tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji.

2.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

2.1   F’diversi okkażjonijiet, il-G-20 tenna l-impenn tiegħu li jħaffef il-proċess tal-adozzjoni ta’ miżuri b’saħħithom biex tikber it-trasparenza u jirrimedja għan-nuqqas ta’ attenzjoni regolatorja għad-derivati OTC.

2.2   Il-proposta ta’ Regolament tirreferi għal diversi miżuri ssuġġeriti mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 (“Derivatives markets: future policy actions”) u hija koerenti mal-leġislazzjoni Amerikana li ġiet adottata reċentement il-Frank-Dodd Act.

2.3   Rigward l-ikklerjar, ir-rapportaġġ u t-tnaqqis tar-riskju tad-derivati OTC, l-ikklerjar permezz tas-CCP huwa previst biss għall-kuntratti OTC standardizzati. Għaldaqstant, sabiex jiġi ggarantit li l-akbar numru ta’ derivati OTC jidħlu fil-mekkaniżmu tal-ikklerjar obbligatorju, ir-regolament ppreveda żewġ approċċi li bihom jista’ jiġi deċiż liema kuntratti għandhom jiġu ikklerjati.

2.4   L-ewwel approċċ minn isfel għal fuq, jipprevedi li s-CCP tkun awtorizzata mill-awtorità responsabbli biex tieħu deċiżjonijiet marbutin mal-ikklerjar ta’ ċerti tipi ta’ kuntratti. Wara din l-approvazzjoni, l-istess awtorità responsabbli tkun obbligata li tinforma l-ESMA li tkun tista’ tiddeċiedi jekk hemmx obbligu simili ta’ kklerjar għall-kuntratti kollha analogi fi ħdan l-UE.

2.5   It-tieni approċċ, mill-banda l-oħra huwa minn fuq għal isfel u jippermetti li jiġu identifikati dawk il-kuntratti li ma ġewx ikklerjati b’CCP. Filfatt, permezz ta’ dan l-approċċ l-ESMA, flimkien mal-European Systemic Risk Board (ESRB), tidentifika l-kuntratti li parzjalment huma suġġetti għall-obbligu ta’ klerjar. Il-kontropartijiet soġġetti għall-obbligu ta’ klerjar iridu jduru għal CCP.

2.6   Fil-prinċipju, ir-regolament ma jkunx japplika għal suġġetti (korporazzjonijiet) mhux finanzjarji, ħlief jekk il-pożizzjoni tagħhom f’derivati OTC ma jilħqux ċertu limitu u jkunu meqjusin sistematikament importanti.

2.7   Ir-regolament jistabbilixxi proċess li jippermetti l-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet mhux finanzjarji b’pożizzjonijiet sistematikament importanti f’derivati OTC u jpoġġilhom obbligi speċifiċi. Il-proċess jissejjes fuq id-definizzjoni taż-żewġ limiti: a. limitu informattiv u b. limitu ta’ kklerjar.

2.8   Sadattant ir-regolament jirrikjedi l-użu ta’ mezzi elettroniċi u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju. Fl-aħħar, il-kontropartijiet finanzjarji u mhux ’il fuq mil-limitu ta’ kklerjar iridu jiddikjaraw id-dettalji ta’ kull kuntratt derivat u kull modifika li ssir wara f’ repożitorju tat-tranżazzjoni.

3.   Ir-rekwiżiti applikabbli għas-CCP

3.1   Is-CCP jridu jieħdu riskji ulterjuri, għaldaqstant il-regolament jitlob li, għal raġunijiet ta’ sikurezza, huma jrid ikollhom regoli ta’ organizzazzjoni tan-negozju stretti kif ukoll rekwiżiti ta’ prudenza (regoli ta’ governanza interna, rekwiżiti tal-kapital aktar stretti, eċċ.).

3.2   CCP irid ikollu ftehimiet ta’ governanza b’saħħithom li jridu jqisu kull kunfitt tal-interessi potenzjali bejn il-proprjetarji, l-amministrazzjoni, il-membri tal-ikklerjar u l-parteċipanti indiretti. Ir-rwol tal-membri tal-kumitat indipendenti hu partikolarment rilevanti. It-tieni, biex ikun awtorizzat li jeżerċita l-attività tiegħu, CCP irid ikollu ammont minimu ta’ kapital. Ir-regolament jirrikjedi li CCP jkollu fond ta’ inadempjenza li fih iridu jikkontribwixxu l-membri tas-CCP.

4.   L-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

4.1   Ir-regolament jipprevedi rekwiżiti ta’ informazzjoni tat-tranżazzjonijiet fuq id-derivati OTC li jridu jiġu ddikjarati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet bit-tir li jżidu t-trasparenza ta’ dan is-suq. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ser jiġu reġistrati mal-ESMA, li tissorveljahom.

4.2   Ir-regolament fih ukoll indikazzjoni għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biex jiggarantixxu l-konformità tagħhom ma’ standard stabbilit. Dawn huma mfasslin biex jiggarantixxu li l-informazzjoni li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollhom għall-iskop tar-regolamentazzjoni tkun affidabbli, sikura u protetta. B’mod partikolari, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għal rekwiżiti organizzattivi u operattivi li jiżguraw salvagwardja adegwata.

5.   Osservazzjonijiet tal-KESE

5.1   L-istrutturi tas-swieq mobiljarji wrew nuqqasijiet kbar fil-ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti u fit-trasparenza tan-negozjati li jsiru fis-suq tad-derivati over the counter (OTC), b’mod partikolari dak tat-Tpartit ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (Credit Default Swap, CDS), li ġew identificati bħala responsabbli għar-“Reċessjoni l-Kbira”.

5.2   Dawn il-kuntratti “mhux tipiċi” ikkontribwew biex tonqos il-preċezzjoni tar-riskju u biex il-kriżi li kienet qed tiżvolġi tkompli tinxtered, billi laqtu bl-aħrax l-istituti li ħarġuhom u bħala konsegwenza lil dawk li jfaddlu. Fl-aħħar, min-naħa tal-emittenti, l-ispekulazzjoni li saret mill-banek li biegħu CDS “mhux koperti”, jiġifieri mingħajr sottostanti, għolliet ir-rati u minħabba f’hekk il-piżjiet finanzjarji mħallsin mill-emittenti, u b’hekk wasslet biex dawn ifallu.

5.3   Għaldaqstant, is-CDS ġew definiti bħala “paraxutijiet taċ-ċomb”, jiġifieri potenzjalment huma periklu għall-ħajja tas-sistema finanzjarja dinjija. L-unika soluzzjoni konkreta li ġiet adottata kienet li l-istituti ma tħallewx ifallu billi ġew rikapitalizzati b’kapital pubbliku u b’hekk ġew nazzjonalizzati. Din il-miżura sempliċement wasslet għal żjieda inevitabbli fid-dejn pubbliku biex b’hekk il-problema inbidlet minn riskju għall-bank għal riskju għall-pajjiż ta’ appartenenza li wasslet għal disturbi kbar fis-swieq tal-valuta fiż-żona tal-Euro b’mod li l-pajjiżi kollha kellhom jadottaw miżuri stretti ta’ awsterità, li komplew naqqsu l-pass tal-irkupru dgħajjef tal-ekonomija.

5.4   Fl-Istati Uniti, id-Depository Trust & Clearing Corporation (DTCC) waqqfet società apposta (The Warehouse Trust Company LLC) li hi awtorizzata li taħdem bħala sistema ta’ reġistrazzjoni tal-kuntratti (trade repository) għas-CDS; l-amministrazzjoni bdiet riforma legali tal-iskambji tad-derivati OTC li tipprevedi l-obbligu li jintużaw il-kontropartijiet ċentrali għall-kuntratti standardizzati u l-konċentrazzjoni tal-iskambji lejn swieq regolati jew pjattaformi organizzati.

5.5   Fl-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem fuq proposta leġislattiva (European Market Infrastructures Legislation) immirata li tkabbar it-trasparenza u l-istabbiltà tas-suq tad-derivati OTC. Il-miżuri li huma mistennija huma koerenti mal-proposta Amerikana peress li trid tiġi evitata l-arbitrajetà regolatorja (u huwa importanti li jsir dan).

5.6   Il-KESE jrid ukoll javża dwar xi riskji rigward il-miżuri li ġew proposti dwar is-suq tad-derivati. Filfatt, il-waqa’ tas-swieq finanzjarji mhix biss tort tad-derivati, tan-nuqqas ta’ kontropartijiet ċentrali jew tal-projbizzjonijiet għall-bejgħ skopert.

5.7   Mill-bidu tas-snin 80 bdew jinxterdu fis-swieq finanzjarji strumenti derivati dejjem aktar sofistikati, li kabbru l-effikaċja, biex b’hekk resquhom lejn l-ideal ta’ kompletezza tas-swieq kif jiġi deskritt fit-teorija tal-ekonomija. Għaldaqstant żdiedet ukoll il-kumplessità tal-attivita ta’ regolamentazzjoni, superviżjoni u sorveljanza u l-pakketti ta’ riformi diskussi kienu kollha mmirati lejn kontroll akbar tas-swieq, spiss bi tnaqqis tal-effiċjenza tagħhom.

5.8   Suq huwa effiċjenti daqs kemm il-prezz (jew il-qliegħ) fuq titolu jirrifletti l-informazzjoni disponibbli. Biex suq ikun aktar effiċjenti hemm bżonn li tiġi promossa ċ-ċirkolazzjoni tal-infomrazzjoni biex din tkun tista’ tiddaħħal kemm jista’ jkun malajr fil-prezzijiet tat-titoli. Huwa importanti li wieħed ikun jaf x’inhi l-għażla ta’ kompromess li wieħed irid jagħmel f’termini ta’ effiċjenza.

5.9   L-ewwel nett, il-miżuri mmirati li jnaqqsu l-firxa ta’ strumenti finanzjarji disponibbli, bħal-limitazzjoni tal-hekk imsejħa CDS “mhux koperti” jew l-attivita tal-bejgħ skopert, jistgħu ma jżidux l-effiċjenza tas-swieq. Filfatt, il-limitazzjoni tal-istrumenti disponibbli tnaqqas il-kapaċità tas-swieq li jassorbu u jxerrdu l-informazzjoni li għandhom l-operaturi.

5.10   Ċertament wieħed jista’ jiddiskuti dwar l-utilità tas-CDS “mhux koperti”, dwar liema huma li l-informazzjoni addizzjonali li jwasslu meta mqabbla ma strumenti oħra, u kemm jinfluwenzaw l-ispiża tal-finanzjament. Madankollu, il-projbizzjoni tagħhom ma twassalx għal gwadanji kbar fl-effiċjenza. Il-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ bejgħ skopert tnaqqas il-likwidità tas-sistema u b’hekk, il-kapaċità ta’ reazzjoni immedjata għal informazzjoni ġdida li ssir disponibbli. Barra minn hekk, il-limitazzjoni fin-negozju tat-titoli OTC, li tobbliga lill-operaturi li jinnegozjaw id-derivati kollha fis-swieq regolati permezz tal-użu ta’ kmamar tal-ikklerjar jista’ jkollha effett doppju.

5.11   Minn naha, tikkontribwixxi biex is-suq ikun aktar trasparenti (pereżempju, ikun aktar faċli tissorvelja ż-żjieda u r-riskju tat-titoli miżmuma mill-operaturi) u tagħmiha possibbli li jiġu limitati, almenu parzjalment is-sorsi tal-instabbiltà. Madankollu, f’sitwazzjoni ta’ stress finanzjarju, it-trasparenza waħedha tista’ ma tkunx biżżejjed. Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti lir-regolaturi nazzjonali poteri ċari, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jillimitaw, jew jipprojbixxu “temporanjament” il-projbizzjoni tal-bejgħ skopert ta’ kull strument finanzjarju, b’koordinazzjoni mal-ESMA, li fi kwalunkwe każ ikollha l-possibbiltà li tindaħal direttament b’żewġ kundizzjonijiet: li jkun hemm theddida għat-tħaddim ordnat tas-swieq u għall-integrità tagħhom jew li r-regolaturi nazzjonali ma jkunux ħadu miżuri jew il-miżuri li jkunu ħadu ma jkunux suffiċjenti.

5.12   Iżda, min-naħa l-oħra, ir-riskju huwa, għal darb’oħra, li tiġi limitata l-firxa ta’ strumenti disponibbli u li jiżdiedu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet marbutin mal-attivitajiet finanzjarji. Is-swieq tal-futures huwa standardizzat għall-aħħar u regolat (peress li huwa importanti li l-prezzijiet tat-titoli nnegozjati jkunu osservabbli), għall-kuntrarju, is-suq tal-forward (li konċettwalment huma strument simili għal dak tal-futures) huwa adattat għall-bżonnijiet tal-kontropartijiet u jippermetti lill-operaturi li jisfrutturaw il-gwadanji b’mod flessibili. Dawn it-titoli ma tantx huma standardizzati u jkun diffiċli li wieħed ipoġġihom f’kuntest ta’ suq li hu regolat b’mod tradizzjonali, mingħajr ma jiġu limitati l-għażliet disponibbli għall-operaturi.

5.13   Is-CCP huma meqjusin bħala l-istrument u l-“kura” li bihom jiġi ġestit ir-riskju sistemiku u l-mod kif is-swieq OTC jsiru aktar effiċjenti u trasparenti. Żgur li s-CCP jirrappreżentaw fattur importanti għat-titjib tar-riskju u l-effiċjenza tas-swieq, u fis-suq tad-derivati kkwotati fil-borsa, dawn huma parti indispensabbli mill-istruttura. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li s-CCP jikkontribwixxu wkoll għall-evoluzzjoni tas-swieq OTC. Madankollu, ħafna istituti u politiċi qed jitfgħu enfasi kbira wisq fuq il-benefiċċji li s-CCPjistgħu joffru lis-swieq tas-CDS f’qasir żmien.

5.14   Filfatt, is-CCP ma jistgħux jitqiesu bħala soluzzjoni għar-riskju tal-kontropartijiet u jistgħu ma jkunux kapaċi joħolqu suq aktar effiċjenti, minħabba fl-istat li qiegħed fih bħalissa. Fl-isfond attwali, fejn jeżistu diversi CCP f’kull reġjun, bosta, skont jekk humiex derivati minn krediti jew tpartit tar-rata tal-imgħax (IRS), il-possibbiltà li jintużaw il-garanziji kollaterali b’mod effiċjenti jew li tonqos l-espożizzjoni għall-kontropartijiet hija kompromesa. Is-CCP tista’ tikklerja l-espożizzjoni fuq bażi multilaterali iżda dan tista’ tagħmlu biss għar-reġjun, il-kontropartijiet jew it-tipi ta’ derivati adatti li tappoġġja. Dan ifisser li mhux possibbli li jsir klerjar bejn il-pożizzjoni tas-CDS u l-pożizzjoni tal-IRS.

5.15   L-ikklerjar bilaterali tal-espożizzjonijiet għal tipi differenti ta’ derivati OTC b’kontroparti waħda esterna tas-CCP jista’ jwassal għal użu aktar effiċjenti tal-kollaterali. Barra minn hekk hemm bżonn li wieħed iqis li d-derivati dejjem ser ikunu strumenti innovattivi u magħmulin apposta u li ser ikun hemm għadd kbir ta’ kuntratti li mhumiex adatti għall-ikklerjar. Dawn il-pożizzjonijiet iridu jiġu rikonċiljati, filwaqt li wieħed iqis ir-riskju tal-kreditu, permezz ta’ proċess adegwat tal-kollateral li wara kollox ma jinkludix is-CCP.

5.16   Is-CCP jikkontribwixxu biex iżidu l-valur u biex jaqsmu u jiżolaw ir-riskju marbut ma’ operaturi individwali. Il-KESE jaqbel ma’ din il-pożizzjoni. Il-popolarità tagħhom ser tikber u tkabbar il-maturazzjoni u t-trasparenza tas-suq, bi tkabbir konsegwenti u mixtieq tal-attività OTC fil-futur.

5.17   Madankollu, is-CCP huma biss partijiet minn struttura solida ta’ ġestjoni tar-riskju. Ir-riskju tal-kontroparti mhux ser jiġi eliminat u dak bilaterali ser ikompli jitqies għall-pożizzjonijiet esterni għas-CCP.

5.18   Fl-aħħar, ma dan jiżdied il-fatt li huma ħafna s-soċjetajiet li ma jinvestux f’sistemi tal-ġestjoni tar-riskju assoċjat mal-portafoll tad-derivati tagħhom. Probabbilment dawn is-soċjetajiet ser ikomplu jistennew li jiġu salvati anke meta l-ġestjoni tar-riskju tagħhom ma tkun adegwata xejn.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali”

COM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD)

(2011/C 54/15)

Relatur ġenerali: is-Sur PEZZINI

Nhar id-29 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali

COM(2010) 392 finali – 2010/0215 (COD).

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-467 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010) li jaħtar lis-Sur Pezzini bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li saret mill-Kummissjoni biex jiġi żviluppat pakkett komprensiv ta’ leġislazzjoni li jiggarantixxi sett komuni ta’ drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali tal-Istati Membri.

1.2   Id-dritt għal informazzjoni f’waqtha u preċiża huwa parti mit-tradizzjoni legali tal-Unjoni Ewropea u qed isir dejjem iktar importanti hekk kif iċ-ċittadini tal-UE qed jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor.

1.3   Ċittadini ta’ pajjizi li mhumiex imsieħba fl-UE, u li issa qed jidħlu fl-UE f’ammonti dejjem jikbru, għandhom ukoll ikunu jistgħu jidentifikaw qafas legali tal-UE, kif ukoll proċedimenti ċari li jirriflettu r-rispett għall-individwi, anke meta soġġetti għal proċedimenti legali.

1.4   Il-KESE jemmen li l-approssimazzjoni fil-leġislazzjonijiet nazzjonali, li hija l-bażi tad-Direttiva, għandha ssir il-pedament fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, anke sabiex tiġi enfasizzata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet inkorporata fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TFUE u TUE).

1.5   Il-KESE huwa tal-fehma li m’hemmx dubju li l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, permezz ta’ proċedimenti mħaddna minn kulħadd, jirrappreżenta element qawwi ta’ koeżjoni u jsaħħaħ il-moviment ħieles fl-UE.

2.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

2.1   Sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal proċedimenti kriminali “ġusti”, b’konformità mal-istat tad-dritt, l-UE ħadet azzjoni speċifika biex issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali.

2.2   L-azzjoni tinkludi wkoll it-tisħiħ tad-dritt għal difiża. Din l-azzjoni konġunta għandha titqies bħala waħda importanti ħafna, b’mod speċjali sabiex tiżdied il-fiduċja fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, kif ukoll sabiex titjieb l-effikaċja tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet ġudizzjarji f’materji kriminali.

2.3   Fil-fatt, l-abolizzjoni tal-fruntieri interni u l-mod kif iċ-ċittadini qed jeżerċitaw dejjem iżjed id-dritt għall-moviment ħieles u l-libertà fl-għażla tar-residenza qed iwasslu għal żjieda fl-ammont ta’ nies involuti fi proċedimenti kriminali fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huma residenti.

2.4   Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2009/C 295/01 tat-30 ta’ Novembru 2009, li ttenni

il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-1999,

il-Programm tal-Aja tal-2004, u

l-Programm ta’ Stokkolma ta’ Diċembru 2009 għall-2010-2014,

tipproponi inġenerali li jiġu żgurati – fi stadji gradwali – l-implimentazzjoni u r-rispett sħiħ għad-“dritt għal proċess ġust”.

2.4.1   Dan huwa konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li għaldaqstant qed titqies bħala l-bażi komuni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali.

2.5   Barra minn hekk, id-dritt għal proċess ġust u għal difiża huma mħaddna fl-Artikolu 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1).

2.6   Iktar speċifikament, il-pjan direzzjonali fuq sitt punti mfisser fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmi hawn fuq jidentifika dawn il-prijoritajiet li ġejjin:

Miżura A: billi wieħed għandu jkun jaf id-drittijiet għal difiża tiegħu stess biex jeżerċitahom bis-sħiħ, persuna suspettata jew akkużata li ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa użata fil-proċedimenti ser tkun teħtieġ interpretu u traduzzjoni ta’ dokumenti proċedurali essenzjali (2);

Miżura B: persuna li hija suspettata jew akkużata b’reat għandha tingħata informazzjoni korretta dwar id-drittijiet fundamentali tagħha bil-fomm jew bil-miktub, pereżempju permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet. Barra minn hekk, dik il-persuna għandha wkoll tirċievi informazzjoni minnufih dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontriha. Persuna li tkun ġiet ikkundannata għandha tkun intitolata, fil-ħin xieraq, għall-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tad-difiża tagħha.

3.   Il-qofol tal-Komunikazzjoni

3.1   F’konformità mal-mandat stipulat fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ppubblikat il-Proposta għal Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali (COM(2010) 392 finali) nhar is-27 ta’ Lulju 2010.

3.2   L-għan tal-Proposta għal Direttiva huwa li tiġi mfissra l-implimentazzjoni ddettaljata ta’ Miżura B fil-pjan direzzjonali msemmi hawn fuq, billi jiġu stipulati standards minimi komuni fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea.

3.3   Bħala riżultat ta’ dan, b’konformità ma’ dawn ir-regoli, l-awtorità tal-prosekuzzjoni hija meħtieġa mhux biss tagħmel disponibbli lill-akkużat l-informazzjoni kollha neċessarja iżda wkoll li b’mod proattiv tiġbed l-attenzjoni tad-difiża għal din l-informazzjoni.

3.4   Barra minn hekk, fil-prattika, dawn il-miżuri pożittivi u raġjonevoli huma mistennija jnaqqsu t-tul u l-ispiża tal-proċedimenti legali u l-ammont ta’ żbalji ġudizzjarji u għaldaqstant tal-appelli.

3.5   F’dan ir-rigward, jista’ jsir “kumpens” pożittiv għall-piż finanzjarju żejjed li bla dubju jkun hemm, anke jekk biss permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni prattika tal-miżuri ta’ informazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Premessa 18: jistgħu jitqajmu xi dubji dwar il-frażi “għandha tingħata lill-persuni kollha suspettati u akkużati fil-pront hekk kif jibdew il-proċedimenti kriminali”, u għaldaqstant, għandu jiġi speċifikat il-mument preċiż meta n-notifika bil-fomm jew bil-miktub tingħata lill-persuna akkużata.

4.2   Premessa 19: fl-ewwel sentenza, il-frażi “għandha tingħata informazzjoni dwar dawn id-drittijiet proċedurali immedjatament relevanti” tidher li mhijiex speċifika, u għaldaqstant in-natura u l-ambitu ta’ dawn id-drittijiet proċedurali għandhom jiġu spjegati b’mod ċar, l-iktar fl-interess ta’ difiża effettiva.

4.3   Premessa 21: fl-aħħar sentenza, il-frażi “jista’ jwassal għal riskju serju […] lis-sigurtà interna …” tidher vaga. Minkejja dan, l-aġġettiv “serju” għandu jitqies bħala kondizzjoni irrevokabbli sabiex tiġi evitata l-possibilità futura li Stati Membri jeżerċitaw diskrezzjoni “politika” bl-iskuża ta’ “sigurtà interna”.

4.4   Premessa 22: il-frażi “mekkaniżmu li jivverifika li l-persuni suspettati jew akkużati” tista’ tiġi espressa aħjar f’termini ta’ trasparenza u ambitu, billi tiżdied il-frażi “permezz ta’ atti formali” wara l-kelma “jivverifika”.

4.5   Artikolu 3(1): il-kelma “minnufih” tista’ tinbidel bil-frażi “mill-bidu nett”.

4.6   Artikolu 3(2), l-aħħar inċiż: il-frażi “tinġieb quddiem il-qorti minnufih” għandha tkun konformi mal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti; il-verżjoni bil-Malti tal-frażi msemmija hija “tinġieb quddiem il-qorti mill-aktar fis”).

4.7   Artikolu 4(1): l-espressjoni “fil-pront” għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “dak il-ħin stess”.

4.8   Artikolu 6: billi d-Direttiva tikkonċerna wkoll id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża matul il-proċess u matul il-perijodu ta’ qabel il-proċess, l-artikolu għandu jispeċifika li informazzjoni dwar l-akkuża għandha tingħata anke waqt l-investigazzjonijiet tal-pulizija jew tal-inqas f’każijiet ta’ delega tal-awtorità ġudizzjarja jew fejn jitressqu l-akkużi inizjali.

4.9   Artikolu 6(1) għandu jinbidel kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna suspettata jew akkużata tingħata informazzjoni suffiċjenti dwar l-akkuża u r-raġunijiet għal din l-akkuża, sabiex tiġi garantita n-natura ekwa tal-proċedimenti kriminali”, u b’hekk jiġi rifless il-kunċett stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 6(3)(a)), li jirreferi speċifikament għall-“kawża tal-akkuża”.

4.10   Artikolu 6(2): il-kelma “minnufih” għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni “mill-aktar fis”, sabiex tkun aktar qrib l-espressjoni użata fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li diġà ġiet interpretata kemm-il darba fil-ġurisprudenza eżistenti (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti; il-verżjoni bil-Malti tal-frażi msemmija hija “tinġieb quddiem il-qorti mill-aktar fis”).

4.11   Artikolu 6(3)(a): il-frażi “… taċ-ċirkustanzi li fihom sar ir-reat …” għandha tinbidel hekk: “… taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ingħad li seħħ ir-reat …” peress li meta ssir l-akkuża ma jkunx għadu ġie stabbilit li r-reat ikun seħħ effettivament, konklużjoni li hija possibbli biss wara s-sentenza.

4.12   Artikolu 6(3)a): il-frażi “inkluż il-ħin, il-post u l-livell ta’ parteċipazzjoni mill-persuna”, ikun iktar preċiż li kieku l-frażi “l-livell ta’ parteċipazzjoni” tinbidel bi “r-rwol effettiv li kellha l-persuna”.

4.13   Artikolu 6(3): għandhom jiżdiedu t-tliet inċiżi li ġejjin:

“c)

il-piena applikabbli għar-reat imsemmi hawn fuq;

d)

l-iskadenzi u l-mezzi ta’ difiża u l-istrumenti ta’ provi;

e)

il-valur relattiv tal-ammissjoni eventwali ta’ ħtija.”

4.14   Artikolu 7(2): il-mod kif qed tiġi applikata s-segretezza sabiex jinċaħad aċċess għal ċerti dokumenti wara li tintemm l-investigazzjoni tar-reat għandu jwaqqaf lill-awtoritajiet ġudizzjarji milli jeżerċitaw diskrezzjoni mhux meħtieġa, fid-dawl tal-fatt li, fi kwalunkwe każ, it-tmiem tal-investigazzjoni ġeneralment ifisser li l-atti proċedurali jsiru disponibbli.

4.15   Artikolu 7(3): għandu jiġi żgurat li l-verżjonijiet tad-Direttiva bil-lingwi kollha jirriferu għal “investigazzjonijiet preliminari” (fil-verżjoni Maltija: deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu qabel il-proċess quddiem il-qorti) u li jiġu evitati espressjonijiet bħal fit-Taljan “fase istruttoria” billi ħafna sistemi legali m’għadhomx jinkludu din il-fażi.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Dritt għal-libertà u għas-sigurtà) jipprevedi li: “Kull min ikun arrestat għandu jiġi infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu” (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti).

Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Dritt għal proċess ġust) jipprevedi wkoll li: “Kull min ikun akkużat b’reat għandu d-drittijiet minimi li ġejjin: (a)) li jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u fid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu; (b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu; (e) li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti.” (Nota tat-traduttur: it-test tal-Konvenzjoni mhuwiex disponibbli bil-Malti).

Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif riveduta b’konformità mal-Liġi Kostituzzjonali Nru 2/1999, jipprevedi wkoll dawn il-garanziji għal proċess ġust.

(2)  Direttiva 2010/64/UE ġiet ippubblikata fil-ĠU L 280, 26 ta’ Ottubru 2010 u daħlet fis-seħħ nhar l-20 ta’ Ottubru 2010.


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom”

COM(2010) 375 finali – 2010/0208 (COD)

(2011/C 54/16)

Relatur: is-Sur GRUBER

Nhar it-7 u l-10 ta’ Settembru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom

COM(2010) 375 finali – 2010/0208 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u d-9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’169 vot favur, 12-il vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jirrikonoxxi li l-użu ta’ organiżmi ġenetikament modifikati fil-biedja Ewropea jqajjem tħassib kbir għal parti kbira tal-pubbliku Ewropew. Għalhekk il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza din il-kwistjoni sensittiva rigward il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM bil-għan li jilħqu soluzzjoni prattikabbli u li jippruvaw jippromovu qafas Ewropew li jkun kumpatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Madankollu l-KESE jqis li l-abbozz ta’ proposta li tressqet u li hija fuq kollox ibbażata fuq kriterji etiċi u morali, toħloq iktar dubji milli ċertezzi u fil-prattika tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ għadd kbir ta’ miżuri (legalment instabbli) mill-Istati u r-reġjuni, ħaġa li tista’ xxekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE, is-sigurtà legali tal-operaturi u l-kredibbiltà tas-sistema kollha kemm hi.

1.2   Madankollu, fil-fehma tal-Kumitat għad hemm lok għal ħafna titjib u konkretizzazzjoni fil-proposta attwali, fuq kollox fir-rigward tas-sigurtà legali tal-partijiet ikkonċernati. Fil-fehma tal-Kumitat, l-aħjar mod li bih tista’ tintlaħaq din iċ-ċertezza legali huwa billi tiddaħħal bażi legali konkreta u infurzabbli fil-liġi sekondarja tal-UE, b’bażi, kondizzjonijiet u proċeduri speċifiċi applikabbli għall-miżuri nazzjonali. B’mod aktar ġenerali, il-Kumitat iħeġġeġ li l-bażi legali tal-proposta tkompli tiġi ċċarata flimkien mal-kompatibbiltà tal-projbizzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu fuq il-bażi tal-Artikolu 26b mar-regoli tas-suq intern tal-UE u mal-liġi tal-kummerċ tad-WTO, u obbligi legali internazzjonali oħra.

1.3   Il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet nazzjonali dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM hija marbuta mill-viċin mal-kwistjonijiet ta’ koeżistenza u responsabbiltà għall-ħsarat mill-OĠM u taħlit mhux intiż. Għalhekk il-Kumitat jemmen li dawn id-dossiers għandhom jitqiesu flimkien jew fi proposti leġislattivi paralleli, bħala parti minn reviżjoni aktar komprensiva tal-qafas regolatorju tal-UE għall-bijoteknoloġija agrikola, b’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ambjent ta’ Diċembru 2008 ukoll.

1.4   Fid-dawl tal-iskadenza tal-proposta attwali tal-Kummissjoni, qabel ir-reviżjoni ġenerali attwali tal-qafas legali, ma tistax tingħata opinjoni definittiva dwar il-proposta billi din tista’ biss tiġi evalwata b’mod sodisfaċenti b’rabta mal-evalwazzjoni attwali tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u l-qafas legali globali. Madankollu, dan m’għandux idewwem mingħajr bżonn it-titjib tal-proposta attwali.

2.   Kuntest u kontenut tal-proposta għal regolament

2.1   L-Unjoni Ewropea (UE) għandha qafas legali komplet għall-awtorizzazzjoni ta’ Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMĠ). Ir-regoli dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ jinsabu fid-Direttiva 2001/18/KE (1) u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (2). L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet tal-kultivazzjoni ta’ OMĠ diġà awtorizzati permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-klawżoli ta’ salvagwardja fuq il-bażi ta’ riżultati xjentifiċi addizzjonali li jippermettu li OMĠ partikolari jitqies bħala riskjuż għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(a) l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw il-preżenza aċċidentali ta’ OMĠ fi prodotti oħrajn (koeżistenza).

2.2   F’Marzu 2009, il-Kunsill ma laqax l-applikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex jitneħħew il-miżuri ta’ salvagwardja nazzjonali li jeżistu (fl-Awstrija u l-Ungerija) minħabba nuqqas ta’ bażi xjentifika. Din il-pożizzjoni ttenniet f’diversi votazzjonijiet tal-Kunsill u dan wassal għal dak li jista’ jissejjaħ status quo politiku, simili għas-sitwazzjoni fir-rigward tas-sistema tal-awtorizzazzjonijiet. F’Ġunju 2009, f’dikjarazzjoni konġunta, 13-il Stat Membru (3) talbu lill-Kummissjoni Ewropea tfassal proposti li jippermettu lill-Istati Membri nnifishom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ.

2.3   Fuq il-bażi tal-linji gwida politiċi tal-President Barroso, fit-13 ta’ Lulju 2010 il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta leġislattiva biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ. Il-proposti tal-Kummissjoni jikkonsistu minn Komunikazzjoni dwar il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-prodotti agrikoli modifikati ġenetikament (4) u l-abbozz ta’ regolament li jadatta l-qafas legali. (5)

2.4   Mil-lat tat-teknika ġuridika, id-Direttiva 2001/18/KE ser tiġi kkompletata permezz ta’ Artikolu 26(b) ġdid. B’din id-dispożizzjoni l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ li diġà huma awtorizzati fis-suq intern, fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, sakemm il-bażi tal-projbizzjoni ma tkunx relatata mar-riskji ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem, li diġà huma koperti mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita, u sakemm din il-bażi tikkonforma mat-Trattati.

2.5   L-għan tal-abbozz ta’ regolament huwa li b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jkollhom iktar libertà li jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ u li tinħoloq iċ-ċertezza legali meħtieġa. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proposta għal regolament hija konformi mar-regoli tas-suq intern u l-obbligi internazzjonali. Fil-fehma tal-Kummissjoni r-regolament il-ġdid ma jmurx kontra s-sistema ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fis-seħħ, iżda għandu pjuttost jikkompletaha.

2.6   Fil-5 ta’ Novembru, is-servizz legali tal-Kunsill ħareġ opinjoni legali dwar l-għażla tal-bażi legali, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jiġu adottati u l-kompatibbiltà tal-miżuri proposti mal-ftehimiet tal-GATT. Is-servizz legali huwa tal-fehma li l-bażi legali magħżula mhix valida, u minħabba f’hekk jiddubita serjament kemm il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu huma kompatibbli mat-trattati jew mal-GATT u jenfasizza li huwa diffiċli li miżura li tiġi adottata minn stat jew minn reġjun fuq il-bażi ta’ valuri etiċi jew morali tiġi difiża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew id-WTO. Barra minn hekk, dan it-tħassib ġie parzjalment ikkonfermat mis-servizz legali tal-Parlament Ewropew, li fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2010 qajjem tħassib simili dwar il-konformità ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għal restrizzjonijiet nazzjonali, pereżempju abbażi ta’ moralità pubblika, mar-regoli tas-suq intern tal-UE u mal-liġi kummerċjali tad-WTO.

3.   Dwar is-sistema attwali tal-awtorizzazzjoni tal-OMĠ

3.1   L-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumatur, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern.

3.2   Ir-regoli attwali dwar il-kultivazzjoni jew l-użu tal-OMĠ huma bbażati fuq firxa ta’ prinċipji (legali) ċentrali li fil-fehma tal-KESE għandhom jiġu kkunsidrati. Dawn jinkludu, b’mod partikolari:

proċedura ta’ awtorizzazzjoni indipendenti u xjentifika,

livell għoli ta’ protezzjoni fejn jidħlu s-saħħa u l-ambjent, b’konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni,

rispett tas-suq intern u l-obbligi internazzjonali,

il-libertà tal-għażla u t-trasparenza fil-katina tal-ikel kollha,

iċ-ċertezza legali,

il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

3.3   Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jitqiesu, fir-rigward tal-aġenda u l-kontenut, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2008, li fost affarijiet oħra jitolbu reviżjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fis-seħħ, li hija mistennija li titlesta fl-aħħar tal-2010. Dan jikkonċerna reviżjoni tal-linji gwida tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ambjent (6), rapport mill-Kummissjoni Ewropea għat-titjib tal-monitoraġġ tal-ambjent wara li tinkiseb l-awtorizzazzjoni u studju dwar l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tal-kultivazzjoni tal-OMĠ. Barra minn hekk, għandha ssir evalwazzjoni tal-qafas legali għall-prodotti tal-ikel u l-għalf li jinkludu l-OMĠ, kif ukoll fuq il-kultivazzjoni tal-OMĠ. Sal-2012 hija mistennija reviżjoni kompleta tas-sistema sħiħa ta’ awtorizzazzjoni tal-OMĠ.

3.4   Barra minn hekk, għandha tiġi ċċarata r-rabta bejn il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni nazzjonali tal-kultivazzjoni u r-regoli tal-koeżistenza, billi ż-żewġ kwistjonijiet huma marbutin mill-qrib u l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tagħti flessibbiltà ikbar lill-Istati Membri f’dan il-qasam ukoll. B’rabta ma’ dan, l-istqarrijiet tal-Kummissjoni fir-rapport tagħha tat-3 ta’ April 2009 dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar il-koeżistenza (7) huma importanti.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Anke jekk naturalment il-Kumitat għadu ma esprimiex ruħu dwar id-dispożizzjonijiet konkreti tal-projbizzjonijiet nazzjonali, ċerti pożizzjonijiet li ħa għandhom rabta mal-proposta għal regolament attwali u jibqgħu validi bħala kontribut għad-dibattitu u l-proposti.

4.2   Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2004 (8) dwar il-koeżistenza tal-OMĠ u l-agrikoltura tradizzjonali u organika, il-Kumitat ressaq proposti dwar il-livelli regolatorji. Hawnhekk huwa jistqarr, fost affarijiet oħra, li miżuri partikolari li permezz tagħhom jiġi evitat it-tgħammir imħallat (cross breeding) fil-kuntest tal-kundizzjonijiet reġjonali partikolari, kif ukoll dispożizzjonjiet reġjonali dwar il-kultivazzjoni jew il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni, għandhom jiġu rregolati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat enfasizza wkoll il-bżonn li jkun hemm standards minimi fil-livell tal-UE għall-koeżistenza u r-responsabbiltà.

4.3   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri għall-protezzjoni taż-żoni naturali u ekoloġikament sensittivi. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi u kulturali u impatti ekonomiċi u soċjali oħrajn.

4.4   Fl-Opinjoni tiegħu tal-2004, il-Kumitat kien ġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li r-rekwiżiti tal-koeżistenza jvarjaw skont il-kundizzjonijiet reġjonali u li b’mod partikolari fil-każ ta’ agrikoltura fuq skala żgħira, il-kultivazzjoni parallela tal-OMĠ u l-organiżmi li mhumiex modifikati ġenetikament, kemm tradizzjonali kif ukoll organiċi, ma tidhirx li hija prattikabbli.

4.5   F’dan il-kuntest l-Opinjoni indirizzat l-opportunitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tat-tikketti reġjonali ta’ kwalità u l-garanziji tal-oriġini, li – b’rispett għall-istennijiet tal-konsumaturi – ma jużawx OMĠ. Fuq dan l-isfond ħafna reġjuni ddikjaraw ruħhom żoni mingħajr OMĠ. Il-Kumitat ġibed l-attenzjoni għall-inċertezza legali marbuta ma’ dan, li teħtieġ spjegazzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi u kwistjonijiet miftuħa

5.1   Kriterji ta’ projbizzjoni/restrizzjoni potenzjali tal-kultivazzjoni tal-OMĠ

5.1.1   Permezz tad-Direttiva 2001/18/KE ġew armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OMĠ, inklużi l-miżuri ta’ salvagwardja, skont l-Artikolu 23, u l-miżuri ta’ koeżistenza, skont l-Artikolu 26(a). Il-bażi ta’ dan tinsab fl-Artikolu 114 tat-TFUE (li qabel kien l-Artikolu 95 TUE) dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali biex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq intern. Skont l-Artikolu 26(b) l-Istati Membri issa jistgħu jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ irrispettivament mill-awtorizzazzjoni ġenerali fl-UE.

5.1.2   Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ sa fejn tista’ projbizzjoni nazzjonali tiġi eliminata miż-żona tal- liġi armonizzata u jekk din ma tkunx qed tmur kontra l-prinċipji legali ġenerali tas-suq intern. Barra minn hekk, skont opinjoni reċenti tas-servizz legali tal-Kunsill (9), il-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE tidher li mhix valida fid-dawl tal-għanijiet, il-kontenut u l-ambitu tal-proposta għall-Artikolu 26(b).). Min-naħa l-oħra, is-servizz legali tal-PE ma jixħetx dubju fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE bħala bażi legali tal-proposta, u b’hekk joħroġ fid-dieher li hemm interpretazzjonijiet legali differenti fil-livell tal-UE dwar din il-kwistjoni, differenzi li għandhom jiġu ċċarati u solvuti.

5.1.3   Il-proposta ma tinkludi l-ebda lista, la waħda komprensiva u lanqas lista ta’ eżempji bil- ġustifikazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jiddikjaraw projbizzjoni. L-uniku punt imsemmi fl-Artikolu 26(b) huwa li r-raġunijiet ma jistgħux ikunu dawk li ġew eżaminati fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Għalhekk mhuwiex possibbli li jitressqu raġunijiet għall-projbizzjoni li jkunu diġà ġew koperti mill-valutazzjoni tar-riskju għall-ambjent u s-saħħa tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-UE jew raġunijiet relatati magħhom. Fl-opinjoni tal-KESE, iċ-ċertezza legali li tagħti l-proposta tista’ tissaħħaħ billi fl-Artikolu 26(b) stess tiġi inkluża lista indikattiva (iżda mhux eżawrjenti) tar-raġunijiet konkreti li l-Istati Membri jistgħu jagħtu biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-pjanti modifikati ġenetikament. Dawn ir-raġunijiet, barra minn argumenti etiċi, morali u reliġjużi, jistgħu jinkludu wkoll tħassib fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjoekonomiċi. Kjarifika bħal din fil-liġi sekondarja sservi ta’ lex specialis fir-rigward tar-raġunijiet imniżżlin fl-Artikolu 36 TFUE u żviluppati fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, u għaldaqstant isservi biex ittejjeb il-konformità mar-regoli interni tas-suq u t-Trattati.

5.2   Iċ-ċertezza legali

5.2.1   Dwar il-kwistjoni taċ-ċertezza legali, il-Kumitat huwa tal-fehma li din ma tistax tinħoloq sempliċement permezz ta’ referenza għal-leġislazzjoni primarja. Is-sentenza tal-Qorti tal-UE C-165/08 (10) hija eżempju tajjeb ta’ projbizzjoni nazzjonali ta’ żrieragħ ta’ OMĠ li ma kinitx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet legali tal-UE. Din is-sentenza turi kemm huwa diffiċli għall-Istati Membri li jibbażaw ruħhom fuq raġunijiet oħrajn għajr il-ħarsien tas-saħħa u l-ambjent.

5.2.2   Il-KESE jagħraf madankollu li fid-dawl tas-sitwazzjoni legali u politika attwali, il-ħolqien ta’ bażi legali bħal din li qed tiġi proposta jista’ jtejjeb iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-istatus quo li hemm bħalissa. Iżda dan għandu jsir permezz ta’ bażi legali konkreta u dettaljata fil-liġi sekondarja (jiġifieri d-Direttiva 18/2001/KE) pjuttost milli permezz ta’ flessibbiltà dejqa u vaga bbażata fuq ir-regoli ġenerali tas-suq intern.

5.3   L-ambitu ta’ kontroll tal-EFSA – Kooperazzjoni mal-Istati Membri

5.3.1   Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni fuq bażi xjentifika għandha titħares permezz ta’ reviżjoni tal-linji gwida tal-EFSA dwar l-analiżi tar-riskji potenzjali għas-saħħa u l-ambjent li wara l-kunsens tal-Istati Membri għandhom isiru vinkolanti. B’rabta ma’ dan, il-KESE jittama li ssir evalwazzjoni mtejba, xjentifika u indipendenti tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont il-prinċipju tal-prekawzjoni.

5.3.2   Il-KESE jqajjem il-mistoqsija ta’ jekk l-Istati Membri għandhomx ikunu involuti iktar fil-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju xjentifika tal-OMĠ mill-EFSA mill-Kummissjoni f’ċerti oqsma speċifiċi. L-EFSA ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 (11) għat-twassil tal-opinjonijiet xjentifiċi dwar is-sigurtà tal-ikel u l-għalf bil-konsiderazzjoni tar-riskji ambjentali wkoll. Ovvjament l-impatti tal-OMĠ fuq l-ambjent huma sorveljati mill-Istati Membri wkoll. Madankollu l-Istati Membri individwali jistgħu jistudjaw aħjar il-kundizzjonijiet ambjentali differenti tat-territorji tagħhom. Ir-riżultati għandhom jiġu approvati konsegwentement mill-EFSA.

5.3.3   B’mod ġenerali, għandhom jiġu stabbiliti kriterji metodoloġiċi li jridu jiġu rrispettati mill-ħidmiet xjentifiċi kollha mwettqa mill-EFSA jew għaliha. Dan għandu jinkludi reviżjoni mill-pari u għandu jiżgura koordinazzjoni mtejba bejn l-EFSA u l-Istati Membri (12). Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-EFSA tapplika l-ogħla kriterji possibbli u assolutament indipendenti xjentifikament fil-qasam tal-valutazzjoni tar-riskju u li għalhekk hija korp tal-UE rrispettat internazzjonalment. Għandu jkun hemm kooperazzjoni aħjar fil-qasam tal-iżvilupp ta’ metodi ta’ riċerka ġodda bejn l-EFSA u l-istituti ta’ riċerka, l-universitajiet u r-riċerkaturi indipendenti involuti fil-valutazzjoni tar-riskju fl-Istati Membri.

5.3.4   Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni xjentifika tal-OMĠ tkun proċess iktar trasparenti u ta’ kwalità aħjar, il-KESE jipproponi r-riforma tal-EFSA sabiex minflok ikun hemm biss grupp ta’ riċerkaturi, il-gruppi interessati kollha jkunu rappreżentati fuq il-panel tal-OMĠ (il-konsumaturi, l-industrija, in-negozjanti, il-bdiewa tal-prodotti organiċi, il-kooperattivi tal-konsumaturi, l-esperti fid-dieta, it-tobba, eċċ.).

5.4   Is-suq intern

5.4.1   Il-Kummissjoni Ewropea temmen li jekk jiġu imposti projbizzjonijiet nazzjonali tal-kultivazzjoni, dan ma jostakolax is-suq intern tal-OMĠ fil-forma ta’ żrieragħ, ikel jew għalf. Din l-istqarrija hija dubjuża għax, mill-inqas fir-reġjuni jew l-Istati Membri fejn hemm projbizzjoni, in-negozju taż-żrieragħ MĠ awtorizzati jista’ jiġi ostakolat. Prova ta’ dan hija l-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE f’każijiet simili (13).

5.4.2   Illum huwa diffiċli li jiġi stmat jekk il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tistax twassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Madankollu, fl-assenza ta’ standards (minimi) fil-livell tal-UE għall-koeżistenza u r-responsabbiltà, aktarx il-flessibbiltà fis-setturi tal-agrikoltura li ma tużax OĠM ser titpoġġa fil-periklu. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri meħtieġa biex tiġi ggarantita l-koeżistenza jinvolvu spejjeż amministrattivi u finanzjarji li għandhom jitqiesu fis-soluzzjonijiet futuri li ser jiġu kkunsidrati. Mill-banda l-oħra, l-assenza ta’ OMĠ tista’ ġġib magħha vantaġġi kummerċjali, għalkemm il-prezz dejjem jiddependi mill-imġiba tal-konsumaturi.

5.4.3   Meta mqabbla ma’ pjanti tradizzjonali, il-pjanti modifikati ġenetikament xi kultant jeħtieġu miżuri oħrajn fir-rigward tat-tekniki ta’ kultivazzjoni u ta’ tkabbir veġetali, pereżempju prodotti alternattivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti, u jista’ jkun hemm problemi ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dawn il-prodotti minħabba l-ineżistenza jew il-funzjonament ħażin tas-suq intern f’dan il-qasam. Dan l-eżempju juri l-għadd kbir ta’ kriterji li l-bdiewa jridu jqisu meta jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-produzzjoni.

5.5   Konsegwenzi soċjoekonomiċi

5.5.1   Lejn tmiem l-2010 huwa mistenni li jiġi ppubblikat rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effetti soċjoekonomiċi tal-awtorizzazzjoni tal-OMĠ. Ir-riżultati tar-rapport għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjoni ta’ din il-proposta għax probabbilment ser ikunu l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li ser jintużaw l-iktar bħala ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni skont l-Artikolu 26(b). Sakemm jitlesta dan ir-rapport, mhux possibbli li tingħata opinjoni sħiħa dwar il-proposta attwali.

5.5.2   Madankollu jeħtieġ li jissemma l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 diġà jippermetti f’kundizzjonijiet speċifiċi li fil-valutazzjonijiet individwali tar-riskju jitqiesu fatturi oħra fil-qafas ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji barra minn dawk tar-riskju għas-saħħa u l-ambjent.

5.5.3   Minħabba n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-konsegwenzi fl-oqsma tal-ekonomija u tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandha tiġi inkluża klawżola ta’ evalwazzjoni fil-proposta u l-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq studju ta’ impatt minn qabel.

5.6   Obbligi internazzjonali

5.6.1   Fil-fehma tal-Kumitat, huwa importanti li ssir kjarifika rigward il-bżonn li jiġu ssodisfati l-obbligi internazzjonali, b’mod partikolari dawk tad-WTO/tal-GATT u tal-Protokoll ta’ Cartagena. Billi huwa mistenni li l-Istati Membri li jkunu jridu jipprojbixxu l-kultivazzjoni jserrħu fuq l-Artikolu 26(b), huwa importanti li d-deċiżjonijiet dwar dan ikunu bbażati fuq bażi legali soda u sikura fil-livell internazzjonali.

5.6.2   Fid-dawl tal-importanza ta’ din il-kwistjoni, il-KESE stenna iktar spjegazzjonijiet dwar il-konformità tal-UE mal-obbligi internazzjonali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-opinjonijiet tas-servizzi legali tal-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-kompatibbiltà mal-obbligi tad-WTO, b’mod partikolari l-opinjoni reċenti mis-servizz legali tal-Kunsill (9), li esprimiet dubji serji dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati jew mal-GATT ta’ kwalunkwe miżura li l-Istati Membri jadottaw fuq il-bażi tal-artikolu l-ġdid 26(b), fil-forma li ġiet proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, is-servizz legali tal-Parlament Ewropew jesprimi dubji simili dwar il-konformità ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli abbażi ta’, pereżempju, il-moralità pubblika skont ir-regoli tas-suq intern tal-UE u l-liġi kummerċjali tad-WTO.

5.7   Il-libertà tal-għażla tul il-katina tal-ikel

5.7.1   Huwa importanti wkoll li titqies tajjeb il-libertà tal-għażla tal-produtturi, il-bejjiegħa u l-konsumaturi tul il-katina tal-ikel. Fil-prinċipju, il-produtturi bħala intraprendituri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-metodi ta’ biedja tagħhom. Bl-istess mod, l-importaturi u n-negozjanti għandhom ikunu jistgħu jiżvolġu l-attivitajiet professjonali tagħhom minkejja l-Artikolu 26(b) il-ġdid propost.

5.7.2   Ir-restrizzjonijiet nazzjonali jew il-projbizzjonijiet tal-kultivazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji ġenerali tat-Trattati b’mod partikolari dawk tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

5.7.3   Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu bejn ikel MĠ u ikel mhux MĠ, għandu jkun hemm sistema tajba ta’ traċċabbiltà u tikkettar kif ukoll firxa ta’ prodotti li tappella għall-konsumaturi. F’dan ir-rigward jeħtieġ li titqies b’mod partikolari d-disponibbiltà reġjonali tal-prodotti. Il-KESE jenfasizza li l-konsumaturi Ewropej għandhom ikunu mgħarrfa għal kollox bil-fatt li jekk il-kultivazzjoni tal-OMĠ tiġi pprojbita fir-reġjun jew il-pajjiż tagħhom ma jfissirx li l-OMĠ ma jkunux jistgħu jinbiegħu liberament fit-territorju tagħhom jew li l-importazzjoni bil-massa tal-OMĠ għall-għalf tal-annimali jew għall-konsum uman minn pajjiżi terzi, fejn it-traċċabbiltà tagħhom tkun dubjuża, ma titkompliex.

5.8   Interazzjoni mal-kwistjonijiet tal-koeżistenza

5.8.1   B’mod ġenerali, l-għan tal-koeżistenza huwa li tiġi evitata l-kontaminazzjoni mhux intenzjonata tal-OMĠ sabiex minn naħa l-produtturi u l-konsumaturi jkollhom il-libertà tal-għażla u min-naħa l-oħra tiġi evitata kwalunkwe ħsara ekonomika għall-intrapriżi.

5.8.2   Il-KESE jikkunsidra l-implimentazzjoni effettiva u l-garanzija tal-koeżistenza bħala fatturi importanti fil-kwistjoni sħiħa tal-użu tal-OMĠ, qasam li għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta’ ċarezza u li jitlob li jibqa’ jinġabar iktar għarfien fil-livelli kollha, b’mod speċjali fir-rigward tal-konsegwenzi fuq perijodu twil.

5.8.3   Il-possibbiltà tal-projbizzjoni tal-kultivazzjoni skont il-proposta tal-Kummissjoni tista’ tħaffef il-kwistjoni tal-koeżistenza fl-oqsma kkonċernati. Madankollu l-problemi fir-rigward tal-iżvilupp tar-regoli għal koeżistenza fuq perijodu twil tad-diversi metodi ta’ kultivazzjoni m’għandhomx jintesew. Kif kien irrakkomanda l-Kumitat fl-2004 (14) (NAT/244), armonizzazzjoni minima tar-regoli dwar il-koeżistenza u r-responsabbiltà fil-livell tal-UE (jew inkella rekwiżit legali fl-Artikolu 26(a) li l-Istati Membri jadottaw regoli ta’ dan it-tip fil-livell nazzjonali jew reġjonali), ser tkun essenzjali biex jiġu ggarantiti l-libertà tal-espressjoni u kompetizzjoni ġusta fis-settur tal-agrikoltura, u biex jiġi kkontrollat l-impatt soċjoekonomiku tal-kultivazzjonijiet tal-OĠM. Dan ser ikun rilevanti partikolarment għar-reġjuni tal-fruntieri.

5.8.4   Jekk l-iżvilupp tar-regoli ta’ koeżistenza jkompli jissaħħaħ fil-livelli nazzjonali u reġjonali, l-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba wkoll ser isir iktar importanti. Il-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza (ECoB) għandha tiġi orjentata f’din id-direzzjoni u l-partijiet kollha interessati għandhom jiġu involuti konsegwentement.

5.8.5   Il-kwistjoni ta’ limitu fuq iż-żerriegħa MĠ u ta’ limitu fuq l-OMĠ li mhumiex awtorizzati fl-UE (prinċipalment l-għalf) għadha miftuħa. Il-Kummissjoni Ewropea għad trid tipprovdi risposta għal dan, u għalhekk għandha ssir ħidma biex il-proposti tal-Kummissjoni jiġu implimentati kemm jista’ jkun dalwaqt.

5.9   Kwistjonijiet transkonfinali u ta’ responsabbiltà

5.9.1   Bl-istess mod, għadha ma ġietx iċċarata l-kwistjoni tar-regoli tar-responsabbiltà f’każ ta’ taħlita aċċidentali ta’ OMĠ, speċjalment lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. S’issa għad m’hemmx obbligi ta’ skambju reċiproku tal-informazzjoni bejn Stati Membri ġirien fejn jiġu kkultivati l-OMĠ. L-informazzjoni ħafna drabi tinxtered b’riżultat ta’ kuntatti personali.

5.9.2   Għażla waħda tista’ tkun li l-Istati Membri li qrib il-fruntieri tagħhom issir il-kultivazzjoni ta’ OMĠ ikunu obbligati li jippubblikaw fuq l-internet l-informazzjoni dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ ikkonċernati anke fil-lingwa tal-Istati viċin tagħhom. Miżura bħal din tista’ tiffaċilita r-rikors legali f’każ ta’ taħlita aċċidentali mal-OMĠ u ħsara ekonomika konsekuttiva.

5.9.3   Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar ir-regoli komuni ta’ responsabbiltà u r-rimedji f’każ ta’ ħsara lill-bijodiversità b’riżultat tat-trasport transkonfinali, li ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2010, huwa mistenni li jġib bidla. L-obbligi previsti minn dan il-Protokoll għandhom jiġu implimentati mingħajr telf ta’ żmien.

5.9.4   Il-KESE jappella biex jiġi evalwat sa liema punt huwa possibbli li, permezz ta’ regoli vinkolanti minimi Ewropej dwar il-koeżistenza u r-responsabbiltà (jew inkella rekwiżit legali fl-Artikolu 26(a) li l-Istati Membri jadottaw regoli ta’ dan it-tip fil-livell nazzjonali jew reġjonali) jistgħu jsiru obbligatorji tal-anqas fir-reġjuni konfinali tal-Istati Membri u jitnaqqsu r-riskji fil-qasam tal-leġislazzjoni dwar il-privat kif ukoll jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet oskuri bejn l-Istati Membri. Il-Kumitat jinnota l-urġenza ta’ dawn ir-regoli dwar ir-responsabbiltà, peress li fil-preżent l-industrija tal-assigurazzjoni għadha qed tirrifjuta li toffri assigurazzjoni kontra l-ħsarat marbutin mal-OMĠ, u r-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà ambjentali fid-Direttiva 2004/35/KE ma jipprovdux kopertura adegwata għall-ħsarat ta’ dan it-tip.

Brussell, 9 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(2)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(3)  AT, BG, IE, EL, CY, LV, LT, HU, LU, MT, NL, PL u SI.

(4)  COM(2010) 380 finali.

(5)  COM(2010) 375 finali.

(6)  Ara l-konsultazzjoni pubblika li tnediet fit-12 ta’ Novembru dwar l-abbozz tal-EFSA u li ser tibqa’ miftuħa sal-24 ta’ Jannar 2011:

www.efsa.europa.eu/en/press/news/gmo101112.htm.

(7)  COM(2009) 153 finali.

(8)  ĠU C 157, 28.6.2005, p. 155.

(9)  Opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill, 5.11.2010, 2010/0208(COD), 15696/10.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea C-165/08 (Kummissjoni Ewropea kontra r-Repubblika tal-Polonja) tas-16 ta’ Lulju 2009.

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u ħtiġiet ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri f’materji ta’ sigurta fl-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(12)  Ara l-ilment tal-Ungerija kontra l-Kummissjoni Ewropea fil-każ T-240/10 dwar l-Amflora.

(13)  Ara l-każijiet C-110/05, Kummissjoni vs. Italja; C-142/05, Mickelsson and Roos; C-188/04, Alfa Vita; u C-416/00, Morellato.

(14)  Ġ.U. C 157, 28.6.2005, p. 155.


APPENDIĊI

Dan li ġej tħassar b’riżultat ta’ emenda aċċettata fis-sessjoni plenarja, minkejja li aktar minn kwart tal-voti mixħutin kienu favur li jinżamm it-test imħassar:

Punt 5.8.5

Is-soluzzjoni għal-livelli baxxi ta’ OMĠ mhux awtorizzati għandha tkun waħda teknika: għandu jiġi stabbilit limitu b’valur minimu għall-preżenza ta’ OMĠ mhux awtorizzati li japplika kemm għall-għalf tal-annimali kif ukoll għall-bqija tal-industrija tal-ikel.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 83

Kontra: 79

Astensjonijiet: 29


19.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/58


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-‘Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

COM (2010) 245 finali

(2011/C 54/17)

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar id-19 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa

COM(2010) 245 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Novembru 2010.

Matul l-467 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-8 u 9 ta’ Diċembru 2010 (seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 83 vot favur, u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Bħall-Kummissjoni, il-Kumitat jinsab imħasseb rigward il-ħsara li saret lill-progress ekonomiku u soċjali Ewropew mill-kriżi finanzjarja. Huwa jaqbel li l-potenzjal kbir tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni (ICT) jista’ jiġi użat biex jimmobilizza l-ekonomija diġitali sabiex jingħata l-istimulu tant meħtieġ għat-tkabbir u biex jiżdied l-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li d-diversi inizjattivi ta’ politika li jkopru l-qasam tal-ICT u l-Aġenda Diġitali għandhom jingħaqdu u jiġu ġestiti fi ħdan pjan ta’ azzjoni koerenti.

1.2   Madankollu, għalkemm xi partijiet tal-Komunikazzjoni huma miktubin tajjeb u jispjegaw b’mod ċar l-inizjattivi li għandhom jittieħdu, partijiet oħra – pereżempju l-parti dwar il-benefiċċji tal-ICT għas-soċjetà tal-UE u l-parti dwar l-aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali – għadhom vagi dwar il-pjan ta’ azzjoni. Il-Kumitat jittama li ser ikun hemm elaborazzjoni tajba tal-elementi kollha tal-Aġenda Diġitali eventwalment u konsultazzjoni sħiħa dwar l-inizjattivi dettaljati, li fihom eventwalment ser jieħu sehem.

1.3   Il-Kumitat jieħu nota tal-problemi identifikati mill-Kummissjoni, li qed ixekklu l-iżvilupp ta’ ekonomija diġitali dinamika fl-Ewropa – b’mod partikolari l-problemi ta’ frammentazzjoni kummerċjali, kulturali u legali f’Unjoni li tħaddan 27 pajjiż, u n-nuqqas persistenti ta’ investiment fin-netwerks, fl-edukazzjoni fil-qasam tal-ICT u fir-riċerka u l-innovazzjoni.

1.4   Iżda dawn il-problemi kienu fil-qalba tat-tħassib tal-UE għal żmien twil, u minkejja snin ta’ enfasi politika u pjani ta’ azzjoni, il-progress ma laħaqx il-livell mistenni. Illum il-ġurnata, fl-2010, mhuwiex aċċettabbli li 30 % tad-djar tal-UE għad m’għandhomx aċċess għall-internet (1); u li, f’nofs kriżi ekonomika, l-Ewropa sabet ruħha f’qagħda fejn ma tistax tiddependi b’mod suffiċjenti mit-tkabbir fl-ekonomija diġitali biex jgħinha tirkupra malajr.

1.5   Għalkemm l-Ewropa hija fost ir-reġjuni dinjija bl-iktar netwerk intensiv, il-kumplessità, in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà u kemm huwa faċli li jintużaw ħafna mill-prodotti u servizzi tal-ICT għal ħafna nies jirrappreżentaw ostaklu kbir għall-inklużjoni, speċjalment għall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà fiżika. L-Ewropa għandha tiffoka fuq kif tista’ tfassal prodotti u servizzi tal-ICT li jistgħu jirreaġġixxu għall-bżonnijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ u għall-persuni b’diżabbiltà, bil-konsiderazzjoni tal-għanijiet tal-Konvenzjoni rispettiva tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.6   Huwa frustranti għall-Kumitat li dejjem jagħmel appelli, għalxejn, biex tiddaħħal il-konnettività tal-internet fl-obbligu tas-Servizzi Universali. Jekk l-UE trid tieħu l-Aġenda Diġitali u l-prinċipju tal-inklużjoni diġitali bis-serjetà, trid tittieħed azzjoni malajr fuq din il-kwistjoni. Il-Kumitat jagħraf l-isfidi tal-finanzjament ikkawżati minn din il-miżura u jirrakkomanda li l-finanzjament tal-UE jkun disponibbli għall-fornituri tal-infrastruttura skont kriterji trasparenti, oġġettivi u proporzjonali.

1.7   Kuljum, l-UE qed issir inqas kompetittiva mill-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel fil-qasam tal-infrastruttura avvanzata tal-ICT, fl-infiq fl-ICT u r-Riċerka u l-Iżvilupp u fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-ekonomija diġitali. Dan it-tnaqqis fil-kompetittività globali jrid jinqaleb b’inizjattivi ta’ politika aggressivi, implimentati b’mod effettiv.

1.8   Il-Kumitat jemmen li l-progress xejn sodisfaċenti lejn il-ksib tal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-ICT u l-ekonomija diġitali huwa primarjament riżultat tat-twettiq inadegwat tal-inizjattivi ta’ politika fil-livell Ewropew u nazzjonali: konna nafu x’kellu jsir imma m’għamilnihx. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’urġenza d-direttivi u r-rakkomandazzjonijiet rigward l-Aġenda Diġitali.

1.9   Il-Kumitat jemmen li s-suq waħdu ma jistax jirregola lilu nnifsu sew għall-benefiċċju tal- interess pubbliku. Għalhekk, hemm bżonn qafas regolatorju bilanċjat biex jiġu promossi l-interessi tal-maġġoranza taċ-ċittadini, skont il-ħsieb wara l-istrateġija 2020.

1.10   Il-Komunikazzjoni hija espressjoni f’waqtha ta’ tmexxija u approċċ maniġerjali meħtieġa ħafna biex tinkiseb l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa bħala parti mill-Istrateġija għall-Ewropa 2020 (2). Il-Kumitat jikkumplimenta lill-Kummissjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ governanza u amministrazzjoni inklużi fil-Komunikazzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni adatta u f’waqtha ta’ din l-aġenda kruċjali. Madankollu, il-Kummissjoni issa trid tipproduċi dokument dettaljat dwar l-istrateġija ta’ implimentazzjoni sabiex l-Aġenda Diġitali tiffoka fuq it-twettiq effettiv.

1.11   Il-Kumitat jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tas-“Seba’ Pilastri” spjegat fil-Komunikazzjoni u jikkumplimenta lill-Kummissjoni għal ħidmitha. Għalkemm id-dettalji ser jeħtieġu ħafna iktar elaborazzjoni biex il-pjan jiġi kkunsidrat sew, il-Kumitat jemmen li l-pjan ta’ livell għoli huwa komprensiv biżżejjed u fil-biċċa l-kbira tiegħu korrett.

1.12   Madankollu, il-Kumitat huwa sorpriż li l-programm Galileo, investiment importanti fil-futur tal-ICT tal-Ewropa, ġie eskluż mill-Komunikazzjoni. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li Galileo jiġi inkluż b’mod espliċitu fil-pjan ta’ azzjoni tal-Aġenda Diġitali u jirreferi lill-Kummissjoni għall-opinjonijiet tal-KESE li jikkonċernaw il-programm (3).

1.13   Il-Kumitat bi pjaċir qed jantiċipa l-konsultazzjoni eventwali tiegħu dwar il-Komunikazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni rigward kull aspett dettaljat tal-Aġenda Diġitali.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, hija u tfassal dawn il-Komunikazzjonijiet, għall-ħafna Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (4) li kkummentaw fuq il-bżonn ta’ soċjetà ta’ informazzjoni sigura u dinamika, industrija Ewropea tal-ICT u ekonomija diġitali produttiva b’rata ta’ tkabbir għolja.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1   Il-konnettività veloċi u kullimkien għandha tiddaħħal fl-ambitu tad-definizzjoni tas-servizzi universali (5), b’mekkaniżmi ta’ finanzjament adatti.

2.2   Għandu jiżdied il-finanzjament għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-ICT u l-programmi tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini u l-SMEs. Il-funzjonijiet tal-informazzjoni u l-appoġġ għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri biex jgħinu lill-SMEs u liċ-ċittadini jifhmu u jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali.

2.3   Minħabba l-impenn tal-inklużjoni diġitali fl-Aġenda Diġitali, il-Kunsill għandu jappoġġja inizjattivi fl-UE kollha kemm hi biex it-tfal tal-iskola, iċ-ċittadini avvanzati fl-età, u ċ-ċittadini soċjalment żvantaġġati jsiru jafu dwar l-użu tat-teknoloġija broadband (pereżempju, it-tagħlim ibbażat fuq l-internet, il-video-conferencing, is-servizzi pubbliċi fuq l-internet, eċċ.). Kull programm edukattiv għandu jkun ibbażat fuq l-aħjar prattika.

2.4   Fill-programm ta’ riċerka fl-ICT taħt l-FP7 għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ prodotti u servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali tal-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni bi problemi ta’ analfabetiżmu.

2.5   It-tħeġġiġ u l-appoġġ għall-istandards miftuħa għall-prodotti u s-servizz tal-ICT fl-Ewropa għandhom ikunu komponent espliċitu tal-Aġenda Diġitali. L-istandards miftuħa jiffaċilitaw il-kompetizzjoni u jagħmluha possibbli biex l-SMEs jikbru u jikkompetu fuq livell internazzjonali.

2.6   Barra milli żżid il-fondi għall-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp fl-ICT, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm responsabbiltà adatta u li jingħata valur lill-flus investiti. Għandhom jiġu applikati prattiki ta’ ġestjoni ta’ investimenti adatti: l-investimenti għandhom jingħataw skont ir-ritorn ekonomiku u/jew soċjali mistenni, u kull investiment għandu jkun soġġett għal amministrazzjoni rigoruża biex jiġi żgurat li l-benefeċċji antiċipati jsiru realtà.

2.7   Il-governanza tal-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni tajba fil-programmi u l-proġetti kollha sabiex jinħarġu l-ikbar ammont ta’ benefiċċji possibbli u sabiex tiġi evitata l-ħela minħabba xogħol doppju.

2.8   L-isforzi fir-Riċerka u l-Iżvilupp għandhom jagħtu prijorità għolja lis-sostenibbiltà billi jinvestu fit-teknoloġiji li jeqirdu r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħsara ambjentali.

2.9   Għandha tingħata prijorità lill-finanzjament tat-teknoloġiji innovattivi li jespandu fuq it-tmexxija dinjija tal-Ewropa fil-komunikazzjoni mingħajr fil u mobbli, biex jipprovdu konnettività veloċi mal-internet, possibbilment bl-użu ta’ spettru tar-radju li jsir disponibbli hekk kif ix-xandir u attivitajiet oħra jnaqqsu d-domanda tagħhom għall-bandwidth tar-radju (l-hekk imsejjaħ “spazju abjad”) (6).

2.10   Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tinkludi b’mod ċar il-programm Galileo fl-objettivi u r-riżorsi tal-Aġenda Diġitali. Għandhom isiru disponibbli wkoll fondi biex tiġi xprunata t-teknoloġija u l-applikazzjonijiet li ser ikunu jistgħu jużaw is-sinjali ferm preċiżi tan-navigazzjoni globali pprovduti mis-servizzi ta’ Galileo (7).

2.11   L-UE għandha tkompli tiffinanzja r-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-Internet tal-Oġġetti (8), permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi fit-teknoloġiji mingħajr fil, l-internet u Galileo.

2.12   L-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp relatat mal-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (CIIP) għandu jiżdied b’mod konsiderevoli (9).

2.13   L-Unjoni Ewropea għandha tafda r-responsabbiltà lil awtorità regolatorja adatta, li tkun tinkludi membri tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, biex timplimenta ħarsien effettiv tal-infrastrutturi kritiċi ta’ informazzjoni madwar l-UE (10).

2.14   Fl-Ewropa għandha tiġi żviluppata industrija tas-sigurtà tal-informazzjoni b’saħħitha u koordinata, li jkollha kompetenza ugwali għal dik fl-Istati Uniti li hija ffinanzjata tajjeb ħafna (11).

2.15   Il-Kummissjoni għandha żżomm quddiem għajnejha li għandha tħares l-interessi taċ-ċittadini hija u taħdem mal-kumpaniji internazzjonali tal-ICT biex timplimenta Aġenda Diġitali.

2.16   Bħala prinċipju ta’ politika ġenerali, l-interess pubbliku – “il-ġid pubbliku” – għandu jiġi bbilanċjat mal-interessi privati u kummerċjali.

2.17   Il-Kummissjoni għandha tieħu kwalunkwe miżura possibbli biex tiżgura li l-Istati Membri jinfurzaw b’mod rigoruż il-qafas regolatorju għall-Komunikazzjonijiet elettroniċi (12) u li l-implimentazzjoni tkun konsistenti, ibbilanċjata u universali f’kull wieħed mis-27 Stat Membru.

2.18   Sabiex tiġi żgurata l-konformità adatta mar-regolamenti, is-setgħat tar-regolaturi tal-komunikazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE għandhom jissaħħu, hekk kif issaħħew is-setgħat u l-awtorità tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) (13).

2.19   Fid-dawl tal-importanza dejjem akbar tal-ICT mobbli, l-Ewropa għandha timxi b’pass imħaffef lejn approċċ iktar ibbażat fuq is-suq fl-amministrazzjoni tal-ispettru, li jkabbar is-setgħa mogħtija lill-parteċipanti tas-suq, li jintroduċi kummerċ iktar mifrux tal-ispettru u jnaqqas il-preskrizzjoni burokratika nazzjonali fuq l-allokazzjoni tal-bandwidth (14).

2.20   L-Istati Membri għandhom jitħeġġu mill-Kummissjoni biex jaffermaw l-interessi nazzjonali tagħhom fl-iżvilupp u l-użu ta’ kanali ta’ trasmissjoni (trunk-level) u tat-tibdil tan-netwerks (netwerks switching) sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika nazzjonali: bħall-għeluq tad-distakk tal-broadband. Dan jista’ jinkiseb billi jsir sforz konġunt mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni fi Sħubijiet Pubbliċi Privati (15).

2.21   Fiż-żoni tal-Unjoni b’konċentrazzjoni kbira ta’ nies, għandhom jingħataw inċentivi lill-fornituri tal-infrastruttura biex jinstallaw il-fibra għad-djar (FTTH – Fibre To The Home).

2.22   Id-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi utli fuq l-internet hija xprun ewlieni tal-attività fuq l-internet. Il-gvernijiet, l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji tas-servizzi u intrapriżi oħra għandhom iħaffu l-iżviluppi tagħhom tal-internet u l-migrazzjoni tal-klijenti għal relazzjoni online.

2.23   Għandhom jinstabu mezzi biex titħaffef il-provvista ta’ esperjenzi tal-utenti online mill-intrapriżi għall-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp fl-użu tal-kontenut tal-films online.

2.24   L-għan tal-investiment għandu jkun li jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi kkawżati mid-diversità lingwistika fl-UE. L-Istati Uniti u ekonomiji kbar oħra b’lingua-franca għandhom vantaġġ fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ suq uniku u koerenti għall-prodotti u s-servizzi. Id-diversità lingwistika hija sfida speċjali għall-viżjoni 2020.

2.25   Għandha tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni ta’ identità elettronika Ewropea (eID) għal kull ċittadin, implimentazzjoni li għandha tiffaċilita t-twettiq tas-servizzi diġitali u l-kummerċ online.

2.26   Il-Kummissjoni għandha timplimenta skema pan-Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar tan-negozjanti diġitali sabiex il-konsumaturi jkollhom protezzjoni universali huma u jixtru l-prodotti u s-servizzi mill-internet, irrispettivament mill-fruntieri nazzjonali. Skema bħal din iżżid il-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ diġitali.

2.27   Meta jixtru minn fuq l-internet, iċ-ċittadini għandu jkollhom fiduċja li d-data personali tagħhom u flushom huma siguri; il-privatezza għandha tiġi ggarantita u d-data personali għandha tinħażen b’mod sigur.

2.28   Il-Kummissjoni għandha toħloq sistema ta’ permessi għaċ-ċentri tal-informazzjoni biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-data privata u ta’ flus iċ-ċittadini tal-UE meta n-negozju jsir permezz taċ-ċentri tal-informazzjoni, b’mod partikolari dawk iċ-ċentri li jinsabu barra mill-UE.

2.29   Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-implimentazzjoni ta’ protezzjoni għall-konsumaturi li jieħdu żball meta jikkonfermaw xirja online. Għadu faċli wisq bħalissa li l-konsumatur jieħu żball li jqum il-flus meta jikkonferma riservazzjoni ta’ vjaġġ bl-ajruplan jew xirja oħra. Forsi kull transazzjoni ta’ dan it-tip għandha tinkludi buttuna li tippermetti li l-azzjoni titħassar (undo).

2.30   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kummerċ elettroniku li jinvolvi t-tfal, b’regoli u Kodiċi tal-Kondotta adatti.

2.31   L-UE għandha tiffinanzja t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Europol li jiġġieled kontra ċ-ċiberkriminalità. L-UE trid tkun determinata fil-prosekuzzjoni taċ-ċiberkriminalità b’miżuri punittivi uniformi fl-Unjoni għal min iwettaq dawn ir-reati.

2.32   “Il-Kummissjoni għandha tipproduċi dokumenti dwar l-istrateġija tal-implimentazzjoni biex telabora l-parti dwar l-‘Implimentazzjoni u Gvernanza” fil-komunikazzjoni. Il-Kumitat jemmen li mingħajr pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat u koordinat l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali mhux ser jinkisbu.

2.33   Il-Kummissjoni għandha tifrex kemm jista’ jkun l-użu tal-istrumenti ICT ta’ governanza biex tappoġġja t-twettiq tal-Aġenda Diġitali.

2.34   Il-KESE ser iwaqqaf grupp permanenti biex jiffoka b’mod kontinwu fuq l-iżvilupp u t-twettiq ta’ importanza kruċjali tal-Aġenda Diġitali.

3.   Kuntest

3.1   L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hija waħda mis-seba’ inizjattivi prominenti tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020, stabbiliti biex jiddefinixxu r-rwol ewlieni ta’ faċilitatur li l-użu tal-ICT ser ikollu jaqdi sabiex l-Ewropa tkun tista’ tikseb l-ambizzjonijiet tagħha għall-2020. Din l-inizjattiva ta’ politika importanti rċeviet l-appoġġ tal-Ministri reponsabbli għall-Politika dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-UE waqt il-Laqgħa Ministerjali Informali li saret fi Granada, Spanja, f’April 2010 (16).

3.2   Il-ħtieġa li jkun hemm “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

3.2.1   L-objettiv tal-Aġenda Diġitali huwa li tistabbilixxi mappa ta’ direzzjoni biex jiġi sfruttat kemm jista’ jkun il-potenzjal soċjali u ekonomiku tal-ICT.

Il-potenzjal kbir tal-ICT jista’ jiġi mobilizzat permezz ta’ ċiklu virtuż ta’ attività li jaħdem sew, spjegat fiċ-ċirku ta’ barra fl-Istampa 1 hawn taħt.

Stampa 1:

Iċ-ċiklu virtuż tal-ekonomija diġitali

Image

3.2.3   Madankollu, filwaqt li s-setgħa ta’ trasformazzjoni tal-ICT hija ċara, iridu jiġu kkonfrontati wkoll sfidi serji biex din tiġi użata. Il-Kummissjoni identifikat l-iktar seba’ ostakli sinifikanti. Dawn huma elenkati fiċ-ċirku ta’ ġewwa tal-Istampa 1.

3.2.4   Minħabba dawn l-ostakli l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-imsieħba industrijali tagħha: 30 % taċ-ċittadini Ewropej għadhom qatt ma użaw l-internet; l-Ewropa għandha penetrazzjoni ta’ 1 % biss tan-netwerks veloċi bbażati fuq il-fibra filwaqt li l-Ġappun għandu 12 % u l-Korea t’Isfel għandha 15 %; u l-infiq tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT huwa biss 40 % ta’ dak li jintefaq fl-Istati Uniti.

3.3   L-Aġenda Diġitali tipproponi l-azzjoni li trid tittieħed b’mod urġenti biex jiġu indirizzati l-iktar seba’ oqsma problematiċi li jolqtu lill-potenzjal ta’ trasformazzjoni tal-ICT biex l-Ewropa taqbad it-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

3.4   L-Aġenda Diġitali tinkludi iktar minn mitt azzjoni u 13-il mira ta’ prestazzjoni essenzjali li għandhom jipprogressaw tul l-għaxar snin li ġejjin. Dawn jinkludu ’l fuq minn tletin inizjattiva leġislattiva. L-Aġenda hija organizzata f’seba’ pilastri ta’ politika u tirrikonoxxi d-dimensjoni kritika u globali biex jinkisbu l-objettivi tagħha.

3.5   Implimentazzjoni u governanza

L-istampa li ġejja turi l-istruttura ta’ governanza proposta biex tiġi amministrata l-Aġenda Diġitali:

Stampa 2:

Iċ-ċiklu ta’ governanza tal-Aġenda Diġitali Ewropea

Image

4.   Kummenti

4.1   “It-twettiq inadegwat tal-inizjattivi ta’ politika żiedu l-inerzja fl-ekonomija diġitali Ewropea kkawżata mill-frammentazzjoni u l-livell insuffiċjenti ta’ investiment. Huwa kruċjali li l-Kummissjoni tuża l-‘mudell prominenti” tal-Aġenda Diġitali biex tixpruna tmexxija u prattika ta’ ġestjoni tajbin biex twassal lill-Ewropa l-ekonomija diġitali bir-rata għolja ta’ tkabbir li teħtieġ.

4.2   Hekk kif l-iskala u l-intensità tal-investiment fl-ICT u l-ixprunar tal-ekonomija diġitali jiżdiedu, huwa importanti li l-pjani ta’ nfiq tal-UE jkunu akkumpanjati minn amministrazzjoni stretta u responsabbiltà ikbar li jkunu ta’ kwalità ogħla.

4.3   L-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq tal-UE tar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-ICT huwa ta’ importanza kruċjali għax irridu nisfruttaw kemm jista’ jkun il-benefiċċji li jinġabru mill-investimenti sostanzjali li ser isiru. Huwa importanti li l-programmi u l-proġetti tar-Riċerka u l-Iżvilupp ikunu differenti minn xulxin u li tiġi evitata l-ħela minħabba proġetti doppji fil-livell nazzjonali, internazzjonali jew fil-livell tas-settur teknoloġiku.

4.4   L-Ewropa għadha tiddependi wisq mill-kumpaniji internazzjonali l-kbar tal-ICT għas-software u s-servizzi. Hemm kumpanija Ewropea waħda biss fost l-għaxar kumpaniji internazzjonali ewlenin tal-ICT – Nokia – u kumpanija waħda biss fost l-għaxar kumpaniji internazzjonali ewlenin fis-settur tas-software – SAP.

L-UE għandha toħloq ambjent ekonomiku fl-Ewropa li jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ kumpaniji tal-ICT li jkunu innovattivi u b’saħħithom, li eventwalment ikunu jistgħu jikkompetu fuq livell dinji.

4.4.2   “Suq domestiku” tajjeb huwa essenzjali biex l-SMEs dinamiċi jsiru l-ġganti dinjin t’għada; il-problemi tas-swieq diġitali frammentati u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà jridu jiġu indirizzati biex jappoġġjaw il-potenzjal mistur tal-kumpaniji tal-ICT fl-Ewropa.

4.5   L-istandards miftuħa kellhom rwol kruċjali fl-iżvilupp u s-suċċess tal-Internet. L-Ewropa għandha tħeġġeġ b’mod ċar l-istandards miftuħa biex tiffaċilita l-kompetizzjoni u tnaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq tal-istart-ups, bis-settur privat u l-intraprendituri tal-ekonomija soċjali inklużi. Appoġġ b’saħħtu għall-istandards miftuħa taħt il-pjan ta’ azzjoni tal-Interoperabbiltà u l-Istandards jgħin ukoll biex jiġu żviluppati kumpaniji Ewropej tal-ICT li jkunu jistgħu jikkompetu fuq livell dinji.

4.6   L-infiq enormi tal-Istati Uniti fl-ICT qed iwassal għal brain-drain fl-Ewropa. Is-suq federali tal-IT fl-Istati Uniti huwa mistenni li jkollu valur kumulattiv ta’ USD 530 biljun bejn l-2011 u l-2015, u li jilħaq livell ta’ infiq annwali ta’ USD 115-il biljun sal-2015. L-Ewropa għandha timmira l-infiq fl-ICT b’mod aggressiv jekk tixtieq tlaħħaq mar-ritmu tal-iżvilupp fl-Era Diġitali.

Bl-aħbar tal-virus ta’ Stuxnet li qed jattakka l-proċessi essenzjali tal-kontroll industrijali (17), il-kwistjoni taċ-ċibersigurtà u l-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni qed tingħata importanza fl-aġendi tal-gvernijiet.

4.7.1   Illum il-ġurnata, l-Ewropa diġà tiddependi mhux ftit mill-ICT għall-ħolqien tal-ġid u l-kwalità tal-ħajja tagħna. Huwa importanti li d-dipendenza dejjem ikbar mill-ICT tkun akkumpanjata minn sofistikazzjoni dejjem ikbar ta’ miżuri ta’ sigurtà li jħarsu l-infrastruttura kritika ta’ informazzjoni (id-dawl, l-ilma, it-trasport, is-sistemi ta’ sigurtà, eċċ.) u li jipproteġu liċ-ċittadini miċ-ċiberkriminalità.

4.7.2   Il-Kumitat jirreferi lill-Kummissjoni għall-opinjoni tiegħu dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta’ Informazzjoni (18). B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha bżonn tmexxija b’saħħitha b’setgħa mogħtija lil awtorità adatta biex tħares lill-UE b’mod adegwat mill-attakki.

4.8   Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-Tibdiliet Demografiċi tenfasizza l-bidla demografika li qed isseħħ fl-Ewropa bit-tixjiħ mgħaġġel taċ-ċittadini li jikkoinċidi ma’ għadd ta’ żgħażagħ dejjem jonqos. Għalkemm din il-qagħda tippreżenta ħafna sfidi, jeżistu wkoll opportunitajiet li jinvolvu l-innovazzjoni teknoloġika li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għal persuni avvanzati fl-età jew b’diżabbiltà, inaqqsu l-problemi ekonomiċi relatati ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, u joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda fl-Ewropa. Dan huwa bbażat fuq il-kunċett li l-ICT il-ġdida għall-anzjani ser taqdi rwol importanti f’kif jiġu solvuti ċerti problemi futuri. Għalhekk, l-Ewropa għandha tippjana kif it-teknoloġija tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ, billi l-ICT tista’ tgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, billi dawn jibqgħu iżjed b’saħħithom, jgħixu b’mod indipendenti għal żmien itwal u jibqgħu attivi f’xogħolhom jew fil-komunità tagħhom. Tista’ tiġi offruta firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni, ix-xiri u s-saħħa u s-sigurtà, biex insemmu xi wħud.

4.9   Billi l-interessi taċ-ċittadini Ewropej u dawk tal-kumpaniji internazzjonali tal-ICT mhumiex dejjem allinjati, l-interessi taċ-ċittadini jridu jkunu bbilanċjati ma’ dawk tal-kummerċ.

4.10   Id-diversità lingwistika hija sfida speċjali għall-Ewropa hija u tipprova toħloq suq uniku dinamiku għall-prodotti u s-servizzi online. Hemm bżonn iktar investiment biex jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi għal din l-isfida.

4.11   Id-disponibbiltà ta’ kontenut u servizzi ta’ kwalità għolja fuq l-internet hija xprun fundamentali għall-adozzjoni mill-utenti. L-implimentazzjoni trasversali tas-servizzi mill-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE kollha kemm hi mhijiex konsistenti u hemm bżonn li jsir iktar biex dawk li għadhom lura jiġu megħjuna jmexxu l-programmi tagħhom ’il quddiem; b’mod partikolari, hemm ħafna iktar xi jsir fil-qasam tal-akkwist pubbliku diġitali għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi.

4.12   It-trawwim ta’ ekonomija transkonfinali tal-kummerċ diġitali fl-UE huwa proċess ferm kumpless. Sabiex immorru lil hinn mill-kunċett ta’ adozzjoni bikrija (“early adopters”), il-kummerċ diġitali jrid ikun faċli u sigur. Illum il-ġurnata, il-frammentazzjoni legali, lingwistika, kulturali u teknoloġika bejn is-27 Stat Membru tal-UE toħloq ostakli konsiderevoli għall-iżvilupp ta’ ekonomija tal-kummerċ diġitali pan-Ewropea miftuħa. Dawn il-problemi jridu jiġu indirizzati waħda waħda, iżda l-introduzzjoni ta’ identità elettronika (e-ID) għal kull ċittadin u ċ-ċertifikazzjoni pan-Ewropea ta’ negozjanti diġitali jistgħu jkunu ta’ ħafna ġid biex jittaffew il-problemi.

4.13   Il-Pajjiżi l-Baxxi joffru eżempju tajjeb ta’ ċertifikazzjoni ta’ negozjanti diġitali. L-assoċjazzjoni tal-bejjiegħa online waqqfet istitut ta’ ċertifikazzjoni b’bord indipendenti għall-monitoraġġ. Kull membru tal-assoċjazzjoni jrid jirrispetta kodiċi ta’ kondotta u juża kuntratt standard għall-klijenti, miftiehma mal-Organizzazzjoni Olandiża għall-Konsumatur – Consumentenbond. Bis-saħħa ta’ negozjanti diġitali ċertifikati, il-klijenti għandhom aċċess għal proċedura strutturata għall-ilmenti biex jiġi solvut it-tilwim. Il-livell ta’ sensibilizzazzjoni taċ-ċertifikazzjoni huwa għoli: 83 % tal-konsumaturi online jagħrfu t-tikketta ta’ ċertifikazzjoni. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex timplimenta skema pan-Ewropea ta’ ċertifikazzjoni għan-negozjanti diġitali.

4.14   Meta n-nies jibdew jużaw l-internet għall-ewwel darba, ikunu vulnerabbli b’mod partikolari għaċ-ċiberkriminalità u għan-negozjanti mingħajr skrupli. Dawn l-utenti vulnerabbli, ikunux adulti jew tfal, iridu jingħataw kull protezzjoni li tgħinhom igawdu ambjent sigur fuq l-internet (19).

4.15   Il-Kummissjoni tista’ tintroduċi sezzjoni speċifika għad-diżabbiltà fir-Rapport ta’ Progress Annwali, bil-għan li jiġi identifikat u mkejjel il-progress li jkun sar f’dan ir-rigward fi ħdan l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

4.16   Fil-kuntest ta’ ekonomija diġitali Ewropea mingħajr fruntieri huwa importanti li l-Europol ikun mgħammar b’tali mod li jkun jista’ jgħasses l-attività kummerċjali u soċjali u jżommha sigura għal kulħadd.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Stqarrija għall-istampa mill-Eurostat STAT/09/176.

(2)  EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv - COM(2010) 2020 finali.

(3)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 41; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 37; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 210; ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28; ĠU C 302, 7.12.2004, p. 35; ĠU C 48, 21.2.2002, p. 42.

(4)  “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” - għadha mhux ippubblikata fil-ĠU; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60; “Titjib tal-mudelli tas-”sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati “fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’għal kulħadd fl-UE 27”; għadha mhijiex ippubblikata fil-ĠU; ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 87; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 63; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27; ĠU C 97, 28.4.2007, p. 21; ĠU C 325, 30.12.2006, p. 78; ĠU C 318, 23.12.2006, p. 222; ĠU C 110, 9.5.2006, p. 83; ĠU C 123, 25.4.2001, p. 36.

(5)  COM(2005) 203 finali, u d-Direttiva tal-PE u tal-Kunsill 2002/22/KE dwar is-servizz universali u d-drittijiet tal-utenti rigward is-servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika.

(6)  Ara l-opinjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU) u http://www.economist.com/blogs/babbage/2010/09/white-space_wireless

(7)  Is-servizzi ta’ Galileo ser jinkludu: in-Navigazzjoni b’Aċċess Miftuħ, in-Navigazzjoni Kummerċjali, in-Navigazzjoni tas-Sigurtà tal-Ħajja, in-Navigazzjoni Pubblika Regolata u t-Tfittxija u s-Salvataġġ.

(8)  Ara ĠU C 255, 22.9.2010, p. 116 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60.

(9)  Ara ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98.

(10)  Ibid.

(11)  Il-valur kumulattiv tas-suq taċ-Ċibersigurtà Federali tal-Istati Uniti huwa stmat għal madwar USD 55 biljun (2010-2015), rata ta’ tkabbir kompost annwali ta’ 6,2 % tul is-sitt snin li ġejjin - http://www.marketresearchmedia.com/2009/05/25/us-federal-cybersecurity-market-forecast-2010-2015/

(12)  Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni; Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u Direttiva 2002/77/KE dwar kompetizzjoni fis-swieq għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(13)  http://easa.europa.eu/

(14)  Ara l-opinjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU); ĠU C 97, 28.4.2007, p. 27 u ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(15)  Ara “Titjib tal-mudelli tas-‘sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati’ fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’ għal kulħadd fl-UE 27” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(16)  http://www.eu2010.es/export/sites/presidencia/comun/descargas/Ministerios/en_declaracion_granada.pdf

(17)  http://www.nytimes.com/2010/09/27/technology/27virus.html; u http://www.ft.com/cms/s/0/e9d3a662-c740-11df-aeb1-00144feab49a.html? ftcamp = rss

(18)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 98.

(19)  Il-KESE ħareġ bosta opinjonijiet dwar dan is-suġġett f’dawn l-aħħar 15-il sena. Biex tara l-iktar tnejn reċenti, ara ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69 (“L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali”) u ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61 (“Il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet”).