ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.044.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 44

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
11 ta' Frar 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010

2011/C 044/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013 (Opinjoni esploratorja)

1

2011/C 044/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa (Opinjoni esploratorja)

10

2011/C 044/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Opinjoni esploratorja)

17

2011/C 044/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020 (Opinjoni esploratorja)

23

2011/C 044/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali

28

2011/C 044/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom (Opinjoni esploratorja)

34

2011/C 044/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi (Opinjoni esploratorja)

40

2011/C 044/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)

47

2011/C 044/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika (opinjoni esploratorja)

53

2011/C 044/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta’ konsum (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

57

2011/C 044/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Informazzjoni għall-konsumatur (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

62

2011/C 044/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-Trattat ta’ Lisbona u l-funzjonament tas-suq intern (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

68

2011/C 044/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

75

2011/C 044/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

81

2011/C 044/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

90

2011/C 044/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

99

2011/C 044/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Bidliet u prospetti tas-sottosettur tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

105

2011/C 044/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

110

2011/C 044/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

118

2011/C 044/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali

123

2011/C 044/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol u l-perspettivi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

129

2011/C 044/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija għall-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona

136

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010

2011/C 044/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-InformatikaCOM(2010) 179 finali – 2010/0095 (COD)

142

2011/C 044/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008COM(2009) 374 finali

143

2011/C 044/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoniCOM(2009) 154 finali – 2009/0157 (COD)

148

2011/C 044/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): l-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent SpazjaliCOM(2009) 589 finali

153

2011/C 044/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għal użu ħafifCOM(2009) 593 finali – 2009/0173 (COD)

157

2011/C 044/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD)

162

2011/C 044/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (UE) li jdaħħal fis-seħħ koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legaliCOM(2010) 105 finali/2 – 2010/0067 (CNS)

167

2011/C 044/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-UnjoniCOM(2010) 204 finali – 2010/0110 (COD)

170

2011/C 044/31

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-BaħarCOM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD)

171

2011/C 044/32

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UECOM(2009) 538 finali

173

2011/C 044/33

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomikuCOM (2009) 586 finali

178

2011/C 044/34

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadiniCOM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)

182

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010

11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/01

Relatur: is-Sur OLSSON

Nhar it-23 ta' Frar 2009, is-Sinjura Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Kif jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jemmen bil-qawwi li sħubija ġenwina u li tidħol fil-fond ittejjeb sostanzjalment l-effettività u s-suċċess ġenerali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. Is-sħubija hija għodda għall-iżvilupp sostenibbli, ekonomiku u soċjali: permezz tagħha l-fondi tal-UE jwieġbu għall-bżonnijiet tal-atturi fil-prattika; hija ttejjeb il-profil tal-UE; u ssaħħaħ id-demokrazija. Sħubija li tirnexxi għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta' parteċipazzjoni ġenwina li tipprovdi opportunitajiet indaqs biex l-imsieħba privati jkun jista’ jkollhom rwol attiv maġenb l-awtoritajiet pubbliċi. HEMM BŻONN TAŻ-ŻEWĠ NAĦAT.

1.2   Ir-regolamenti attwali jħallu wisq lok għal interpretazzjoni nazzjonali tal-kunċett ta' sħubija. Hemm bżonn li dawn ir-regoli jissaħħu, speċjalment l-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali 1083/2006. Għall-ġejjieni, il-KESE qed jipproponi għadd ta' tibdil għall-mod kif inhu mqiegħed il-kliem f’dak l-Artikolu, biex b’hekk jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sħubija.

1.3   Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar sar wieħed iffukat aktar fuq il-proċeduri, u għalhekk, inqas fuq ir-riżultati. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu u ħafna aktar proattiv bħala l-għassies tal-prinċipju tas-sħubija. Flimkien mal-Istati Membri, ir-reġjuni kif ukoll is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ it-tixrid tal-prinċipju bbażat fuq il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni.

1.4   Il-bini tal-kapaċità kontinwu tal-imsieħba huwa kruċjali: ir-riżorsi tal-għajnuna teknika għandhom ikunu disponibbli għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-programmi operattivi kollha.

1.5   Il-KESE jisħaq li l-għotjiet globali huma strument effikaċi ħafna biex tintlaħaq parteċipazzjoni ġenwina mill-imsieħba - b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-ekonomija soċjali - u għalhekk għandhom jintużaw b’mod wiesa’ mill-Istati Membri kollha, kemm fil-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kif ukoll tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

1.6   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li mmorru lura għal programmi ta' inizjattiva Komunitarja semplifikati mmirati lejn l-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali.

1.7   Għall-politika ta' koeżjoni tal-UE ta' wara l-2013, l-istrutturi tal-programmi u r-regolamenti għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija. Dan huwa konformi mar-Rapport ta' Barca, li jiffoka sew fuq ir-rabta bejn “approċċ ibbażat fuq il-post” u s-sħubija, u li huwa partikolarment rilevanti għall-FEŻR u għandu jagħmel parti mill-istrateġija tal-Ewropa 2020.

1.8   Sabiex jiġi żgurat involviment ikbar mis-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni, fil-livell Ewropew għandha tiġi stabbilita Kodiċi ta' Prattika Tajba, bi ftehim bejn l-imsieħba Ewropej adatti.

1.9   Is-semplifikazzjoni hija essenzjali sabiex jittejjeb l-impatt pożittiv tal-programmi, speċjalment tal-proġetti li jinvolvu atturi żgħar. Il-kontrolli fuq il-proġetti jridu jkunu bil-qies. Il-pagamenti finanzjarji lil dawn it-tip ta' atturi għandhom ikunu ffaċilitati aħjar u jitħaffu permezz ta' prefinanzjament u pagamenti li jsiru fil-ħin.

1.10   Il-KESE huwa konxju ħafna li ma jistax ikun hemm soluzzjoni waħda li taqbel għal kulħadd. Madanakollu, il-prattika tajba tista’ u għandha tixxerred b’mod wiesa’. Din il-prattika tajba ġiet identifikata u deskritta fl-anness għal din l-opinjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja t-tixrid tagħha.

1.11   F’ħafna Stati Membri, ir-reġjuni għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija. Għalhekk, il-KESE qed jipproponi li r-reġjuni li jkunu jixtiequ jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jxerrdu l-prattika tajba, iwaqqfu netwerk ta' “reġjuni ta' eċċellenza fis-sħubija” u jemmen li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun il-mentor adegwat għal dan in-netwerk.

2.   Daħla

2.1   Fi Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-KESE biex ifassal opinjoni esploratorja dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”; l-opinjoni għandha wkoll “tgħin fit-tħejjija tal-politika ta' koeżjoni futura”. Il-KESE ntalab jagħti ħarsa b’mod speċjali lejn l-aspetti tas-sħubija u tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni. Madanakollu, din l-opinjoni ma tkoprix is-sħubija “vertikali” fis-settur pubbliku, jiġifieri bejn il-Kummissjoni tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali, lokali u awtoritajiet pubbliċi oħra.

2.2   Din l-opinjoni bbenefikat mill-kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni. Sar ħafna xogħol fuq il-post mir-relatur, bl-involviment tal-membri tal-KESE, il-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati u dokumentati l-prattiki tajbin. Saru seduti f’Katowice, Porto u Schwerin, u ġew organizzati żjarat f’diversi Stati Membri oħrajn. Ingħatat ukoll għajnuna imprezzabbli mill-Parlament Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.   Il-prinċipju tas-sħubija u kif żviluppa

3.1   Il-prinċipju tas-sħubija huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-ewwel għeruq jinsabu fit-Trattat ta' Ruma tal-1957, meta twaqqaf il-Fond Soċjali Ewropew. Fl-1988, sar pass ieħor meta l-prinċipju ġie stabbilit bħala strument komuni għall-fondi strutturali. Fil-bidu, is-sħubija ffukat biss fuq l-atturi soċjali u ekonomiċi tradizzjonali; illum tinkludi “kwalunkwe korp ieħor kompetenti li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (1). Din l-evoluzzjoni tirrifletti l-għan strateġiku tal-UE għal governanza tajba, li dan l-aħħar ittenniet fil-viżjoni Ewropa 2020.

3.1.1   L-Artikolu 11 tar-regolament ġenerali huwa importanti ħafna fid-definizzjoni tal-ambitu u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija. L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-imsieħba rilevanti fl-istadji differenti tal-programmazzjoni. Barra minn hekk, huma għandhom jaħtru lill-aktar imsieħba rappreżentattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fis-setturi ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew setturi oħra “skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali”. Kull sena l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew.

3.2   Ir-regolament jipprevedi “għotjiet globali”; l-amministrazzjoni ta' fondi bħal dawn tista’ tiġi fdata f’idejn korpi intermedji, inklużi korpi għall-iżvilupp reġjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi (Artikolu 42).

3.2.1   Il-miżuri għall-għajnuna teknika jistgħu jiġu mmirati għall-imsieħba kollha, il-benefiċjarji tal-fondi u l-pubbliku ġenerali. L-informazzjoni, in-netwerking, is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi huma tali miżuri (Artikoli 45-46).

3.3   L-Artikolu 163 tat-TFUE u l-Artikolu 104 tar-Regolament tal-Kunsill li ssemma qabel jagħtu rwol partikolari lill-imsieħba soċjali għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fl-amministrazzjoni tal-FSE, il-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitat magħmul minn rappreżentanti mill-gvernijiet, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem.

3.4   Għall-FSE, is-sħubija tiġi żviluppata fir-Regolament (KE) 1081/2006.

3.4.1   Saret enfasi partikolari fuq il-governanza tajba, is-sħubija, it-tisħiħ tal-kapaċità u l-lezzjonijiet li ħadna mill-programm EQUAL, u dawn għandhom jiġu promossi bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra (Preambolu u Artikolu 5).

3.4.2   Il-FSE għandu jippromovi s-sħubijiet, il-patti u l-inizjattivi permezz ta' netwerking tal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali (Artikolu 3.1e). Dan għandu jkun appoġġjat bit-tisħiħ tal-kapaċità (Artikolu 3.2b).

3.4.3   Il-FSE jimmira partikolarment li jsaħħaħ l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fir-reġjuni ta' konverġenza. L-NGOs b’mod speċjali għandu jkollhom rwol attiv fil-programmi għall-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs (Artikolu 5).

3.4.4   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet innovattivi fil-kuntest tas-sħubija (Artikolu 7).

3.5   Għall-kuntrarju tar-regolamenti tal-FSE jew tal-FAEŻR, ir-Regolament (KE) 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ma fih l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sħubija. Il-KESE jħoss li l-FEŻR għandu jbiddel id-direzzjoni tiegħu biex jikkonċentra iktar fuq l-intrapriżi ż-żgħar, l-innovazzjoni u l-iżvilupp lokali li jkun juża l-istrumenti li jiffavorixxu s-sħubija (bħal miżuri mmirati, għotjiet globali) għal dan.

4.   Is-sħubijiet fil-prattika

4.1   Il-fatturi għas-suċċess u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni attribwiti lill-prinċipju tas-sħubija jistgħu jitqassru hekk:

Jinġabru fehmiet u għarfien differenti biex jitfgħu d-dawl fuq ir-realtajiet tal-post.

Hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet u l-perspettivi tal-imsieħba.

Bis-saħħa tal-ħidma fil-livell lokali, l-azzjonijiet jistgħu jiġu adattati aħjar għar-realtajiet tan-negozji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini inġenerali.

L-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali ser jingħataw iktar importanza fil-programmi.

Il-valur miżjud mill-politiki integrati ser joħroġ iktar fid-dieher.

Is-sħubija hija strument ċentrali ta' impenn kollettiv u tikkontribwixxi għal effiċjenza aħjar tal-infiq pubbliku u tal-politiki pubbliċi.

L-imsieħba ser iressqu l-politika ta' koeżjoni tal-UE eqreb taċ-ċittadini.

4.2   Minkejja dan, sħubija li tirnexxi tistrieħ ħafna fuq kemm it-tradizzjoni tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni hija parti mill-kultura nazzjonali u politika. Meta dan ikun il-każ, l-imsieħba jkunu involuti aktar u jkunu kapaċi jsawru, u saħansitra jimplimentaw, programmi u proġetti.

4.3   L-esperjenza turi li b’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija tidher li tjiebet matul is-snin, anki jekk il-valutazzjoni tiegħu tvarja bejn l-imsieħba. Għad hemm ostakli li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u xi kultant anke fi ħdan l-istess pajjiż. Minkejja dan, f’xi Stati Membri l-perċezzjoni tas-soċjetà ċivili hija li kien hemm xi xkiel meta mqabbel mal-perijodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

4.4   F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni saret aktar iffukata aktar minn qatt qabel fuq il-formalitajiet u r-rekwiżiti tal-awditjar. Hemm inqas lok għall-intrapriżi ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti. Ir-riżorsi adegwati għall-appoġġ ta' proġetti żgħar tista’ tgħid li sparixxew. Programmi ta' inizjattiva Komunitarja tneħħew u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma rnexxilhomx jintegrawhom.

4.5   Għadna naħsbu fis-sħubija b’mod formali: ta' sikwit ikun hemm nuqqas ta' fiduċja bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba għax ma jkollhomx viżjoni komuni jew ċara dwar l-użu tas-sħubija tagħhom. M’hemmx fehim ċar ta' x’inhi soċjetà ċivili organizzata u tar-rwol tagħha; dan huwa msaħħaħ permezz tar-regoli mċajpra tar-Regolament u tal-awtoritajiet li jħarsu lejn is-sħubija bħala piż żejjed. Jinxteħet id-dubju fuq il-leġittimità u r-rappreżentattività tal-imsieħba u tqum il-biża’ li konsultazzjonijiet żejda u li jaħlu ħafna ħin jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi.

4.6   Għaldaqstant, il-proċeduri ta' konsultazzjoni ta' spiss ma jkunux adegwati, ikunu burokratiċi ż-żejjed, tekniċi wisq u l-imsieħba ma jingħatawx biżżejjed ħin. Hemm lakuna kbira ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-imsieħba. Ta’ spiss, l-imsieħba ma jiġux involuti ħlief parzjalment fil-mod kif titfassal u kif tiġi implimentata l-politika. Jekk l-imsieħba ma jingħatawx attenzjoni, dan ikun ifisser li ħadd mhu qed jismagħhom. Hemm ukoll ċerta reżistenza lejn modi ta' ħsieb ġodda u ideat innovattivi. Ir-regoli attwali u l-implimentazzjoni tagħhom ma ġewx adattati għall-promozzjoni tas-sħubija. Minħabba f’hekk, l-imsieħba jaqtgħu qalbhom milli jieħdu sehem u milli jimpenjaw lilhom infushom.

4.7   Sabiex jaqdu r-rwol tagħhom ta' msieħba, għadd kbir ta' imsieħba soċjoekonomiċi u NGOs għandhom bżonn ta' għarfien, organizzazzjoni, kapaċità professjonali u riżorsi finanzjarji adegwati. Huwa partikolarment diffiċli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar biex jieħdu sehem b’mod sħiħ.

4.8   Stħarriġ tal-BusinessEurope juri titjib sostanzjali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013 meta mqabbel ma' dak ta' qablu, minħabba li l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet kellhom aktar esperjenza, kien hemm aktar trasparenza fid-diskussjonijiet, il-konsultazzjoni ġiet organizzata aħjar u l-proċeduri ta' implimentazzjoni kienu aħjar ukoll. Ġeneralment l-involviment jinħass li huwa aktar sodisfaċenti fil-livell nazzjonali milli fil-livell reġjonali. Żgur li hemm bżonn ta' titjib f’dawk l-Istati Membri li saru membri tal-UE dan l-aħħar, iżda dan jgħodd ukoll għal pajjiżi li ilhom ħafna membri fl-UE. Il-BusinessEurope jenfasizza l-lakuna li jħalli proċess ta' konsultazzjoni qasir u d-dewmien kbir fl-implimentazzjoni tal-programm u qed jitlob feedback aħjar mill-proċess ta' konsultazzjoni.

4.9   L-UEAPME tiffavorixxi approċċ minn isfel għal fuq u ta' “aħseb fiż-żgħir l-ewwel”, adattat għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u l-komunitajiet lokali. Is-sħubija għandha tiġi żviluppata fi ħdan qafas ta' governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi. Il-UEAPME tenfasizza l-kunċett ta' sussidjarjetà orizzontali bħala fattur għas-suċċess jiġifieri, li l-imsieħba soċjoekonomiċi jiġu involuti b’mod simultanju fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Ir-regoli amministrattivi u finanzjarji jridu jiġu ssemplifikati, u hemm bżonn li l-pagamenti li jingħataw minn qabel ikunu ikbar, l-istess bħall-għotjiet globali, li huma ferm effettivi. Skont il-UEAPME, hemm reġjuni li l-intrapriżi żgħar tagħhom jieħdu biss 1-2 % tal-fondi disponibbli tal-UE. Biex ikollhom aċċess għall-fondi, l-SMEs iridu jaħdmu fi sħubija u permezz ta' organizzazzjonijiet intermedji. L-għajnuna teknika hawnhekk hija indispensabbli. Il-UEAPME qed titlob li l-Kummissjoni tippubblika vademecum dwar kif jistgħu jintużaw il-fondi.

4.10   Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) temmen li ma tantx sar progress fl-aħħar perijodu ta' programmazzjoni. Hija tappella li jsiru regoli ċari għad-definizzjoni ta' sħubija fir-Regolament u titlob għal rekwiżiti minimi. Il-kwalità tas-sħubijiet tiddependi ħafna mir-rieda tal-awtoritajiet li jimplimentaw il-prinċipju. L-ETUC taqbel li s-sħubijiet nazzjonali u reġjonali qed jaħdmu aħjar mis-sħubijiet lokali. Huwa importanti li tinqasam l-esperjenza. Il-programmi ta' kooperazzjoni interreġjonali għandhom jissaħħu b’mod partikolari permezz tal-involviment tal-Kunsilli tat-Trejdjunijns Interreġjonali. L-ETUC ippubblikat ktejjeb ibbażat fuq l-esperjenzi prattiċi tal-membri tagħha dwar kif it-trejdjunjins jistgħu jaħdmu bil-Fond Soċjali Ewropew.

4.11   Fi Frar 2010, l-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, BE, CEEP) ippubblikaw rapport konġunt dwar il-FSE. Il-konklużjoni ewlenija kienet li t-tisħiħ tal-kapaċità huwa kruċjali biex tittejjeb l-effettività tal-Fond. Ostakli oħra li ssemmew kienu r-riġiditajiet amministrattivi u n-nuqqas ta' fehim tal-kunċett tas-sħubija f’ċerti Stati Membri. L-imsieħba soċjali jappellaw għal sħubija aktar b’saħħitha bejniethom u l-awtoritajiet reġjonali/lokali.

4.12   In-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar (EAPN) jissuġġerixxi li l-konsultazzjoni għandha tkun wiesgħa u tidħol fil-fond, u tkopri tipi differenti ta' organizzazzjonijiet bl-użu ta' diversi metodi. L-ispejjeż għall-parteċipazzjoni għandhom jinġabru kollha u l-laqgħat għandhom isiru b’mod frekwenti biżżejjed. Għall-EAPN huwa importanti li jiġu integrati l-lezzjonijiet mill-EQUAL fil-Fond Soċjali Ewropew, b’enfasi fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni, is-sħubija, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-transnazzjonalità. Għandu jinstab aktar spazju għal proġetti żgħar bħal fil-perijodu ta' programmazzjoni ta' qabel.

4.13   Il-European Citizens Action Service (ECAS) jipproponi li l-Istati Membri u r-reġjuni jfasslu pjan għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tal-programmi u l-proġetti tagħhom. Dawn il-pjani għandhom jiġu ppubblikati u evalwati fil-qafas tal-governanza f’diversi livelli u s-sħubija li tgħaqqad flimkien lill-mexxejja lokali. L-ECAS jissuġġerixxi li għandha titwaqqaf komunità ta' prattiki mir-reġjuni li jridu jassumu rwol ta' mexxejja fir-rigward tal-qsim tal-esperjenzi.

4.14   F’rapport ippubblikat fl-2008 mis-CpKP tar-Repubblika Ċeka, l-NGOs mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant analizzaw is-sħubija tal-gruppi tal-pjattaforma Futur Sostenibbli f’sitt pajjiżi (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) u kkonkludew li l-ikbar kwistjoni hija l-kapaċità limitata tal-NGOs. Is-CpKP sab ukoll li m’hemmx wisq appoġġ għas-sħubija. L-NGOs għandhom bżonn jedukaw lill-esperti u lill-maniġers tagħhom permezz ta' għajnuna teknika għall-programmi. Din l-għajnuna normalment tintuża direttament mill-amministrazzjoni pubblika. Il-proċess tal-għażla għall-parteċipazzjoni fil-kumitati għall-monitoraġġ u korpi oħra għandu jsir b’aktar għaqal.

4.15   Rapport tal-Parlament Ewropew (2) ibbażat fuq studju tal-każijiet jgħid li huwa importanti li l-governanza titressaq f’livelli territorjali aktar ’l isfel, kif inhu importanti wkoll li jinħolqu pjattaformi intermedji jew korpi għall-koordinazzjoni u netwerks informali. Huwa jirrakkomanda wkoll li titnaqqas il-kumplessità tal-programmi. It-tagħlim dwar il-politiki u t-tisħiħ tal-kapaċità għandhom jiġu organizzati permezz ta' miżuri speċifiċi bħad-diskussjonijiet strateġiċi, l-azzjonijiet transnazzjonali, l-istrutturi ta' appoġġ u t-tixrid tal-prattiki tajbin.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   Il-KESE huwa konvint, u fil-fatt ressaq l-argument iktar minn darba fl-opinjonijiet tiegħu, li s-sħubija li jkollha karattru ġenwin u profond twassal għal użu iktar immirat u effettiv tal-fondi strutturali u b’hekk għal proġetti li jirnexxu. Is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta' parteċipazzjoni ġenwina li tipprovdi opportunitajiet indaqs għall-imsieħba privati biex jieħdu sehem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi. Is-sħubija ġenwina toħloq sitwazzjoni ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet interessati kollha.

5.2   Iċ-ċittadin għandu jkun fil-qalba ta' kull politika Komunitarja. Għalhekk, is-sħubija fil-kuntest tal-fondi strutturali għandha tirrifletti approċċ minn isfel għal fuq u tipprovdi opportunitajiet għaċ-ċittadini kollha u l-organizzazzjonijiet tagħhom biex isiru involuti fil-politika ta' koeżjoni u l-proġetti li tiffinanzja. Fejn il-prinċipju tas-sħubija jiġi applikat b’mod mifrux fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, dan iwassal għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-politika ta' koeżjoni, u b’hekk tissaħħaħ id-demokrazija.

5.3   Il-proċess biex tinkiseb kultura ta' sħubija ġenwina huwa proċess ta' tagħlim. Dan ifisser li l-imsieħba jingħataw is-setgħa u li jinħolqu opportunitajiet indaqs għall-imsieħba kollha biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni. L-evidenza turi li r-riżorsi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet kellhom rwol kruċjali biex is-sħubija ssir iktar effiċjenti. Għalhekk, riżorsi bħal dawn għandhom jintużaw għall-imsieħba kollha, kemm privati u kemm pubbliċi u fil-programmi operattivi kollha – mhux biss fir-reġjuni tal-konverġenza. Hemm bżonn qawwi li jsir iktar “taħriġ konġunt” bejn l-imsieħba pubbliċi u privati.

5.4   Jeżisti żbilanċ bejn l-imsieħba fil-kuntest tal-influwenza u l-poter, l-aċċess għall-informazzjoni, il-mezzi finanzjarji, il-kapaċità professjonali, eċċ. Hemm bżonn kbir li wara l-2013 jiġi stabbilit qafas li joħloq bilanċ ġdid bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat permezz ta' mudell ta' governanza li jissejjes fuq il-prinċipju tas-sħubija fejn id-dimensjoni reġjonali u lokali, u l-atturi privati soċjali u ekonomiċi, ikunu s-sisien.

5.5   L-imsieħba privati u pubbliċi lkoll għandhom jafdaw lil xulxin u jmorru lil hinn mill-interessi partikolari tagħhom; dan jirrikjedi bidla fil-mentalità. Hemm bżonn kultura ġdida ta' djalogu, ibbażata fuq il-prinċipju “aħseb fiż-żgħir l-ewwel”, adattata għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet lokali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu miftuħa għall-kontributi pprovduti; għandhom jiġu involuti msieħba mis-settur privat, li jistgħu jiġu stimolati billi jitħalla jsir iktar kofinanzjament privat fil-proġetti. Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba għandha tintalab sa minn stadju bikri, u b’hekk jingħataw is-setgħa li jaqdu rwol deċiżiv u kostruttiv.

5.6   L-imsieħba soċjali, bħala atturi soċjoekonomiċi essenzjali, għandhom ikunu involuti flimkien ma' organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-NGOs. Huwa importanti li jitħeġġeġ il-pluraliżmu billi jiddaħħlu intrapriżi żgħar innovattivi, organizzazzjonijiet u atturi oħrajn li jkunu jistgħu jsiru l-protagonisti tal-ġejjieni. Madankollu, is-sħubija għandha ssir flessibbli u mmirata skont il-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi programmi.

5.7   Kif issemma hawn fuq, il-kultura politika, it-tradizzjoni u l-esperjenza jiddeterminaw kif il-prinċipju tas-sħubija jiġi implimentat fil-prattika fl-Istati Membri. Billi dawn ivarjaw ħafna f’27 Stat Membru, m’hemm l-ebda mudell uniku omoġenju adattat għall-kuntesti kollha. Għalhekk, għandu jsir skambju tal-prattiki fi proċess ta' tagħlim reċiproku. Il-partijiet interessati kollha jaqsmu responsabbiltà komuni għat-tixrid tal-prattiki tajbin u b’hekk il-fondi jkunu iktar effiċjenti.

5.8   Ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi fi ħdan is-sħubija jvarjaw skont ir-rwol u l-istatus rispettiv tal-imsieħba. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta d-dritt tal-parteċipazzjoni jiġi kkonfrontat mill-poteri tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-baġits. Minkejja dan, din id-dikotomija tista’ tingħeleb jekk l-imsieħba kollha jadottaw approċċ ta' kunsens għall-istrateġija u l-finanzjament.

5.9   Fir-Regolament attwali, huwa l-Istat Membru li jorganizza s-sħubija skont l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija b’konformità mar-regoli u l-prattiki nazzjonali. Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn qawwi u urġenti biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi Ewropej dwar kif għandha tiġi organizzata sħubija ta' standard għoli. Għalhekk, il-KESE jħoss li l-FEŻR għandu jbiddel il-fokus tiegħu biex jikkonċentra iktar fuq l-intrapriżi ż-żgħar, l-innovazzjoni u l-iżvilupp lokali, biex juża l-istrumenti li jiffavorixxu u jibbenefikaw lis-sħubija bħall-programmi mmirati, l-għotjiet globali, eċċ.

5.10   B’mod ġenerali, fil-programmazzjoni jistgħu jsiru r-riformi u dawn għandhom isiru biex tissaħħaħ is-sħubija. Dan jista’ jsir billi l-programmi jsiru iktar immirati u orjentati lejn il-problema fl-objettiv u l-iskop (pereżempju, iż-żona ġeografika, is-settur, il-kompitu).

5.11   Il-kunċett li l-istrutturi tal-programmi jiddeterminaw direttament il-prospetti għal sħubija ta' suċċess kien ċar fl-inizjattivi Komunitarji, bħal EQUAL u URBAN II, fejn is-sħubija kienet meħtieġa b’mod espliċitu. Il-fatt li dawn l-inizjattivi tneħħew jista’ jitqies bħala pass lura tal-prinċipju ta' sħubija meta mqabbel mal-perijodu ta' programazzjoni 2000-2006. Ħafna Stati Membri ma rnexxilhomx jintegraw l-esperjenza ta' EQUAL fil-perijodu attwali ta' programmazzjoni minkejja li teżisti dispożizzjoni għaliha fir-regolament tal-FSE.

5.12   Immirat lejn iż-żoni rurali, mill-bidu nett, LEADER kien minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija. Anke jekk m’għadux inizjattiva Komunitarja, għandu jiġi nnotat li l-metodu ta' LEADER huwa inkorporat kompletament bħala linja obbligatorja tal-programmi għall-iżvilupp rurali fil-perijodu attwali, kemm bis-saħħa tas-suċċess tal-inizjattiva kif ukoll għad-dispożizzjonijiet iktar stretti tar-regolament tal-FAEŻR (KE) 1698/2005, Artikolu 6. L-għan tiegħu huwa li jinvolvi u li jimmobilizza l-atturi lokali billi joħloq alleanzi territorjali għall-iżvilupp lokali endoġenu. It-twaqqif ta' sħubija lokali magħrufa bħala “grupp ta' azzjoni lokali” (GAL) huwa karatteristika oriġinali. Fil-livell lokali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-imsieħba soċjoekonomiċi u s-soċjetà ċivili huma fil-maġġoranza. LEADER huwa sostnut minn netwerks nazzjonali rurali, magħmula minn sħubija mifruxa li torbot il-proġetti lokali mal-livell nazzjonali u tal-UE.

5.13   Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar sar wieħed iktar proċedurali u formali u b’hekk jiffoka iktar fuq awditjar u inqas fuq ir-riżultati ta' veru. Il-KESE jtenni li r-rwol tal-Kummissjoni għandu jkun iktar b’saħħtu u proattiv fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-sħubija. Biex tmur lura għall-filosofija tal-politika ta' koeżjoni tal-passat, il-Kummissjoni għandha tittrasforma lila nnifisha minn sempliċement osservatur biex issir “imsieħba” ġenwina u involuta.

5.14   Il-KESE jaħseb li l-proċeduri finanzjarji u amministrattivi kumplessi relatati mal-programmi u l-proġetti tal-fondi strutturali għandhom effett li joħonqu, jiskoraġġixxu u anke jiddisswadu l-iktar lill-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali milli jibbenefikaw mill-fondi strutturali. Għalhekk għall-KESE, is-semplifikazzjoni ta' proċeduri bħal dawn, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, hija riżultat loġiku tal-bżonn li tintlaħaq sħubija ta' suċċess kif ukoll li jitħaffu l-ħlasijiet. Din hi kwistjoni ta' urġenza assoluta.

5.15   L-għotjiet globali wrew l-effiċjenza tagħhom biex l-amministrazzjoni tal-fondi tindirizza aħjar lill-benefiċjarji u l-bżonnijiet tagħhom. Għotjiet bħal dawn kienu strumentali fil-finanzjament ta' proġetti żgħar. Il-KESE jiddispjaċih li din is-sistema ixxekklet sew fiċ-ċiklu attwali meta mqabbla mal-perijodu 2000-2006. Fil-fehma tiegħu, l-Istati Membri kollha jagħmlu użu estensiv tal-għotjiet globali fiż-żewġ fondi b’responsabbiltà ġenwina mill-benefiċjarji sabiex jitwettaq il-potenzjal enormi tal-SME u l-ekonomija soċjali.

5.16   Attività iktar b’saħħitha u iktar estensiva min-naħa tal-BEI tkun kontribut pożittiv f’dan ir-rigward. Il-KESE jappella wkoll għat-tisħiħ tal-programm JEREMIE, bil-għan li jiġi xprunat l-appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet tagħhom.

5.17   Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għall-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-fondi kollha assoċjati mal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni, inklużi l-FAEŻR u l-Fond Ewropew għas-Sajd fil-Programmi Operattivi Uniċi. Integrazzjoni bħal din issaħħaħ is-sħubija effiċjenti billi l-imsieħba ġeneralment ikollhom perspettiva olisitika tal-iżvilupp. Il-KESE jemmen li hemm skop ukoll li jsiru sforzi biex ikun hemm integrazzjoni mal-politiki nazzjonali, u b’hekk ikun hemm benefiċċju doppju minn approċċ integrat fil-livell Ewropew u dak nazzjonali.

5.18   Din it-talba tikkonforma għalkollox mar-Rapport ta' Barca (3) ta' April 2009 li jenfasizza r-rwol tas-sħubija mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni tingħata rwol prinċipali fl-integrazzjoni Ewropea. Is-sħubija hija essenzjali għall-użu effettiv u tajjeb tal-fondi. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-atturi lokali fit-territorji u li ċ-ċittadini jsiru impenjati permezz tad-dibattitu pubbliku. Ir-rapport ta' Barca jissuġġerixxi li fl-2010-2012 għandu jsir dibattitu strateġiku ġenwin li jinvolvi lis-soċjetà ċivili qabel il-politika futura ta' koeżjoni għal wara l-2013.

6.   Inizjattivi Ewropej għat-titjib

6.1   Il-KESE jisħaq li hemm bżonn sensiela ta' azzjonijiet obbligatorji u volontarji fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex tissaħħaħ u tittejjeb is-sħubija fil-fondi strutturali u sabiex tiġi estiża l-prattika tajba tas-sħubija għall-Istati Membri kollha. Il-KESE jappella sabiex id-diversi regolamenti tal-UE jiġu emendati. Barra minn hekk, hemm bżonn kodiċi ta' prattika tajba, marbuta ma' pariri iktar b’saħħithom min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.

6.2   Il-KESE jipproponi li l-Artikolu 11 li jistabbilixxi l-miżuri ta' sħubija fir-Regolament ġenerali 1083/2006 għandu jiġi rivedut kif ġej (test konsolidat tal-bidliet kollha proposti huwa mehmuż fl-Appendiċi 1) biex jintuża f’Regolament ġdid fil-futur.

6.2.1

Wara l-kliem “skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali”, il-paragrafu 1 għandu jagħlaq bil-kliem “skont il-ftehim mal-imsieħba rilevanti”. Huwa biss billi nfittxu qbil mal-imsieħba dwar in-natura ta' dik is-sħubija li l-proċess jista’ jsir verament leġittimu u jwassal għal iktar proġetti li jsibu suċċess. Il-KESE jaqbel mad-dispożizzjonijiet li huma diġà inkorporati fil-qafas tal-Kumitat tal-FSE biex jiġi ddeterminat min huma l-imsieħba rilevanti; din id-dispożizzjoni partikolari għandha tiġi estiża għall-fondi strutturali kollha.

6.2.2

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li l-Artikolu 11 jinkorpora l-idea li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija għandha tiġi mmonitorjata b’mod konġunt mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili organizzata. Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) iservi bħala mudell eċċellenti għal dan. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tistabbilixxi l-objettivi, twaqqaf l-indikaturi u l-linji gwida, il-punt ta' referenza tal-prestazzjoni u l-iskambji tal-prattika tajba, kif ukoll l-evalwazzjonijiet li jkunu saru minn reviżjoni bejn il-pari.

6.2.3

It-Trattat ta' Lisbona jagħraf l-MMK, li jinsab fl-artikoli TFUE 149, 153, 156, 168, 173 u 181. B’hekk, il-KESE jipproponi li tintuża formulazzjoni simili li għandha tiddaħħal fl-Artikolu 11: “Il-Kummissjoni tista, fkuntatt mill-qrib mal-Istati Membri tieħu inizjattivi bil-għan li jitwaqqfu linji gwida u indikaturi, li jiġu organizzati l-iskambju tal-aħjar prattiki u li jitħejjew l-elementi neċessarji għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodiċi.” L-organizzazzjonijiet prinċipali Ewropej li jirrappreżentaw lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem ukoll.

6.2.4

Il-konsultazzjoni tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew “għandha ssir mill-inqas darbtejn fis-sena” u għandha tinkludi wkoll l-organizzazzjonijiet kkonċernati u rappreżentattivi kkwotati fl-Artikolu 11(1)(c) kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp rurali sabiex tinħoloq rabta mal-FAEŻR. Konsultazzjonijiet bħal dawn diġà għandhom jiġu organizzati bħala parti minn dibattitu strateġiku ġenwin fil-livell Ewropew qabel il-politika ta' koeżjoni futura wara l-2013 (ara r-Rapport ta' Barca).

6.2.5

Bl-istess mod, il-KESE jipproponi li l-proċessi partikolari ta' konsultazzjoni ta' kull fond fil-livell tal-UE għandhom jittejbu. Mingħajr ma jitnaqqas ir-rwol privileġġat tal-imsieħba soċjali, il-Kumitat tal-FSE, wara konsultazzjoni adatta, għandu jaħtar għadd limitat ta' osservaturi minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra kkonċernati.

6.2.6

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li r-regolamenti tal-FEŻR u l-FAEŻR jiġu emendati biex jinkludu l-kunċett żviluppat fl-Artikolu 5 dwar “tmexxija u sħubija tajbin” mir-regolament tal-FSE. Il-Kumitat jipproponi wkoll li għandu jidher Kumitat ta' Sħubija fir-regolament il-ġdid tal-FEŻR.

6.2.7

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari li “għandhom jiġi allokat (sic) ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-iżvilupp tal-kapaċità” u għaldaqstant jissuġġerixxi li bħala linja gwida, 10 % tal-baġit tal-Assistenza Teknika għandu jitwarrab għall-iżvilupp tal-kapaċità u t-tagħlim fil-programmi kollha operattivi. It-taħriġ Ewropew li jkun ta' benefiċċju għal-livell lokali, u li b’hekk jiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajbin, għandu jiġi appoġġjat ukoll.

6.3   Sabiex tinkiseb is-semplifikazzjoni meħtieġa, il-KESE huwa tal-fehma li l-awditjar u l-monitoraġġ tal-proġetti għandu jiġi razzjonalizzat. Il-ħlasijiet, il-garanziji finanzjarji u l-finanzjament minn qabel għandhom jiġu adattati u għandhom jitħaffu skont il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, speċjalment fil-każ tal-atturi ż-żgħar. L-għażliet attwali għall-prefinanzjament, minkejja għadd ta' proposti għat-titjib li tressqu mill-Kummissjoni fl-2009, ġeneralment għadhom inadegwati.

6.4   Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet minimi li jwasslu għal standard għoli ta' sħubija, il-KESE jipproponi li, flimkien mar-rappreżentanti tal-kategoriji tal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 11, tiġi stabbilita “Kodiċi ta' Prattika Tajba” dwar l-eżerċizzju tal-prinċipju tas-sħubija, ibbażata fuq dawn il-linji gwida:

mill-bidu nett, l-imsieħba pubbliċi u privati adatti għandhom jilħqu ftehim dwar pjan ta' informazzjoni/konsultazzjoni/parteċipazzjoni għall-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni b’objettivi ċari u pjan direzzjonali li għandu jiġi segwit;

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw dwar kif ikkunsidraw il-prinċipju tas-sħubija fil-proposti u r-rapporti tagħhom u l-fehmiet tal-imsieħba għandhom jiġu dokumentati b’mod ċar u trasparenti;

is-sħubija għandha tiġi fdata bir-responsabbiltà għall-proċeduri biex tagħżel il-membri tagħha stess fil-Kumitati tat-Tmexxija (minn issa ’l quddiem KT) u korpi konsultattivi oħra stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-fondi strutturali; l-għażla għandha tkun ibbażata fuq l-interess, ir-rappreżentattività u l-ftuħ lejn atturi ġodda, dedikati u innovattivi;

l-assistenza teknika fil-programmi operattivi kollha għandha tkun disponibbli għall-imsieħba kollha għat-tisħiħ tal-kapaċità, il-koordinazzjoni u r-rappreżentanza; billi l-imsieħba stess jifformulaw u jamministraw proġetti bħal dawn;

is-sħubija għandha tkun involuta fit-twaqqif ta' kriterji għall-għażla tal-proġetti mill-bidu nett;

is-sħubija għandha tkun kriterju għall-proġetti ffinanzjati mill-fondi;

is-sħubija transnazzjonali għandha tiġi estiża;

għandhom jiġu stabbiliti indikaturi ta' ġestjoni effiċjenti mill-perspettiva tal-benefiċjarji;

għandha tiġi implimentata s-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-kontrolli;

il-ħlasijiet lill-benefiċjarji għandhom jitħaffu;

għandhom jiġu diskussi strateġiji fuq perijodu fit-tul fil-KT jew f’korpi oħra adatti marbuta mal-Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza (NSRF);

6.5   Meta l-Programmi Operattivi jiġu riveduti matul dan il-perijodu, il-prinċipju tas-sħubija għandu jiġu osservat b’mod riġidu u jiġi enfasizzat.

6.6   Il-KESE jipproponi wkoll li r-reġjuni li jixtiequ jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jxerrdu l-prattika tajba jwaqqfu netwerk ta' “reġjuni ta' eċċellenza fis-sħubija”. Diġà jeżistu netwerks ta' dan it-tip fi stat embrijoniku (4). Sabiex tiġi promossa inizjattiva bħal din, il-KESE jipproponi li ssir azzjoni konġunta bejnu u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jkun tassew konsulent adatt għal netwerk ta' dan it-tip.

6.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tifforma grupp ta' ħidma magħmul mill-imsieħba kollha rilevanti fil-livell Ewropew biex jippromovi l-prinċipju tas-sħubija minn diversi perspettivi u li l-għajnuna tal-istat u r-regoli tal-akkwist pubbliku m’għandux ikollhom effetti negattivi fuq is-sħubija.

7.   Prattika tajba

7.1   Matul it-tħejjija ta' din l-opinjoni, il-prattika tajba ġiet identifikata mill-perspettiva tal-involviment u r-rwol tal- mhux l-awtoritajiet pubbliċi. Il-każijiet miġbura fil-qosor fl-Appendiċi 2 huma biss kampjun. Żgur li hemm oħrajn.

7.2   Il-prattika tajba ġiet evalwata minn erba’ perspettivi: l-aċċess għas-sħubija, l-għoti tas-setgħa lill-imsieħba, is-sħubijiet tat-teħid ta' deċiżjoni u s-sħubijiet immirati.

7.3   Il-prattika tajba f’qasam wieħed ma tfissirx bilfors prattika tajba b’mod ġenerali. Mill-banda l-oħra, l-istess każ jista’ jkun prattika tajba f’żewġ oqsma jew iktar. Jeżistu xi każijiet li għandhom jiġu enfasizzati bħall-approċċ sistemiku għas-sħubija fir-Renju Unit; il-Programm li rnexxa tal-Paċi għar-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq, fejn is-sħubijiet u l-parteċipazzjoni tal-livell prattiku huma fatturi ewlenin; l-amministrazzjoni fi sħubija tal-fondi kollha (inkluż l-FAEŻR) għall-iżvilupp integrat f’Mecklenburg-Vorpommern (D), l-amministrazzjoni unika tas-soċjetà ċivili (Fundación ONCE u oħrajn) ta' programm operattiv tal-FSE (E), l-istruttura ta' appoġġ għat-tielet settur f’Wales (3-SET).

7.4   L-erba’ perspettivi ta' prattika tajba lkoll jidhru f’xi każijiet interessanti fejn il-fondi strutturali huma mmirati b’mod espliċitu bħala tweġiba għall-bżonnijiet tal-atturi lokali: is-sħubija innovattiva (trejdjunjins/kooperattivi/banek) li jamministraw l-għotja globali Esprit in Tuscany (I); l-użu strateġiku u msaħħaħ tal-għotjiet globali fi Poitou-Charentes (F); il-Patti Territorjali Awstrijaċi għall-Impjiegi u l-amministrazzjoni deċentralizzata tal-FSE f’Baden-Württemberg (D). Il-gruppi ta' azzjoni lokali f’LEADER għandhom jissemmew ukoll f’dan il-kuntest.

7.5   Proċess dinamiku ta' titjib u żvilupp tal-prinċipju ta' sħubija huwa prattika tajba wkoll. Il-Polonja hija każ partikolari fejn l-amministrazzjoni deċentralizzata tal-fondi għall-gruppi ta' ħidma li fihom l-imsieħba għandhom rwol deċiżiv għandha tiġi enfasizzata. Il-ftehim qafas nazzjonali (Protocollo d’Intesa) għar-regoli tas-sħubija fl-Italja kif ukoll is-segwitu tiegħu f’xi reġjuni, pereżempju fil-Puglia huma intenzjonijiet tajba li għandhom jiġu segwiti.

7.6   Il-KESE jinnota li ġeneralment il-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali u/jew reġjonali jiġu involuti biss parzjalment, minbarra ċ-CNEL Taljan li għandu rwol sostanzjali fit-tfassil tal-politika reġjonali u l-evalwazzjoni għall-Mezzogiorno (l-Italja t’Isfel). Il-kumitati, pereżempju fil-Portugall, fi Franza (livell reġjonali), u f’Malta, jieħdu sehem fil-fażi tal-ipprogrammar.

7.7   L-aċċess iqajjem mistoqsijiet dwar kif jintgħażlu l-imsieħba u liema jkunu. Hemm bżonn proċeduri ta' trasparenza u leġittimità biex jiġu definiti l-imsieħba. Normalment, l-għażla ma tkunx ta' problema għall-imsieħba soċjali iżda għas-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u b’mod partikolari dwar kif għandhom jiġu integrati l-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, pereżempju, il-persuni b’diżabbiltà, li kienu l-ħabs, ir-Roma u minoritajiet etniċi oħrajn.

7.7.1   Hija prattika tajba li r-responsabbiltà għas-selezzjoni titħalla f’idejn is-soċjetà ċivili. Insibu eżempju interessanti fir-Repubblika Ċeka (is-sistema tal-elezzjoni).

7.8   Instabu bosta eżempji tat-tisħiħ tal-kapaċità u l-għoti tas-setgħa fis-sħubijiet, pereżempju:

it-tagħlim dwar id-djalogu soċjali (pereżempju, ir-Repubblika Ċeka);

it-tisħiħ tal-kapaċità professjonali fl-organizzazzjonijiet imsieħba (il-Mezzogiorno, il-Ġermanja, Spanja, Poitou-Charentes, is-Slovenja);

it-twaqqif ta' ċentri speċifiċi għall-għarfien jew “osservatorji” (“Kompetenzstellen” fil-Ġermanja, 3-SET f’Wales);

it-tħejjija ta' manwali u gwidi għall-organizzazzjonijiet tas-sħubija fil-livell nazzjonali (pereżempju, DGB Brandenburg, il-Ġermanja) u Ewropew (ETUC, EAPN, Bankwatch).

7.9   F’xi każijiet it-teħid veru ta' deċiżjonijiet dwar liema proġett għandu jiġi ffinanzjat ġie ddelegat lill-organizzazzjonijiet fi ħdan is-sħubija. L-għotjiet globali huma biss eżempju wieħed (l-Italja, ir-Renju Unit, Franza). Il-mudell Svediż (Västra Götaland u Sħubijiet oħra tal-Fondi Strutturali) u l-programm operattiv tal-Fundación ONCE li ssemma hawn fuq huma oħrajn.

7.10   Xi programmi huma mmirati sew; skont il-ġeografija, il-gruppi, is-setturi, il-komunitajiet, il-kompiti speċifiċi, eċċ. u għalhekk normalment ikunu marbuta mill-qrib ma' grupp speċifiku ta' msieħba li jkollhom il-poter veru li jieħu d-deċiżjonijijet. Il-Programm ta' Paċi fl-Irlanda ta' Fuq u l-Forums għat-Tkabbir (id-Danimarka), iżda wkoll l-inizjattivi lokali li ssemmew fil-punt 7.4 jaqgħu taħt din il-kategorija ta' prattika tajba.

8.   Bidliet proposti għall-Artikolu 11 attwali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006:

Artikolu 11

Sħubija

1.   L-objettivi tal-Fondi għandhom jitwettqu fil-qafas ta' koperazzjoni mill-qrib (minn hawn ’il quddiem imsejħa “sħubija”), bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru. Kull Stat Membru għandu jorganizza, , sħubija ma' awtoritajiet u korpi bħal:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra;

(b)

l-imsieħba ekonomiċi u soċjali;

(ċ)

kwalunkwe korp ieħor kompetenti li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Kull Stat Membru għandu jinnomina l-imsieħba l-aktar rappreżentattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fis-setturi ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew oħrajn (minn hawn ’il quddiem imsejħa “imsieħba”), skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali, b’kont meħud tal-ħtieġa tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent.

2.   Is-sħubija għandha titwettaq f’konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta' kull kategorija ta' msieħba kif definiti fil-paragrafu 1. Is-sħubija għandha tkopri t-tħejjija, l-implementazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' programmi operattivi. L-Istati Membri għandhom jinvolvu, , lil kull wieħed mill-imsieħba relevanti, u b’mod partikolari r-reġjuni, fl-istadji differenti ta' programmazzjoni, fil-limitu ta' żmien stabbilit għal kull stadju.

3.    il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imsieħba fil-livell Ewropew dwar l-għajnuna mill-Fondi.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1083/2006 dwar il-fondi strutturali.

(2)  “Governanza u sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u l-bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, relatur Jean-Marie Beaupuy, Parlament Ewropew li l-votazzjoni tiegħu saret fil-21.10.2008.

(3)  An Agenda for a Reformed Cohesion Policy. A Place Based Approach to meeting European Union Challenges and expectations – Mejju 2009.

(4)  Pereżempju Reves (sħubija bejn l-awtoritajiet reġjonali/lokali u l-ekonomija soċjali), Bankwatch Network, Iq net (awtoritajiet amministrattivi reġjonali u r-riċerka), l-inizjattiva ECAS u l-Komunità tal-Prattika li tinvolvi lill-awtoritajiet amministrattivi tal-FSE.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/02

Relatur: is-Sinjura Renate HEINISCH

F’ittra tat-18 ta' Settembru 2009, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margot Wallström, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar

Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’89 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Sabiex jiġi indirizzat l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa, fil-fehma tal-KESE jinħtieġu l-miżuri li ġejjin:

1.1.1

Fil-livell nazzjonali:

It-“tixjiħ b’saħħtu” għandu jiġi integrat bħala kwistjoni orizzontali.

Għandhom jissaħħu l-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll l-edukazzjoni dwar is-saħħa f’kull grupp ta' età.

Għandha tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u l-kura tal-anzjani.

Il-kura palljattiva għandha tiġi inkluża fis-servizzi tal-kura.

Għandhom jiġu żviluppati u adattati forom ta' terapiji skont l-età tal-pazjent, billi l-anzjani jiġu inklużi fl-istudji kliniċi u fl-istudji dwar il-komorbidità.

Għandhom jiġu żviluppati istituti għall-morda u għall-kura kif ukoll djar alternattivi.

Għandha ssir evalwazzjoni permezz tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (Health Technology Assessment, HTA) tat-telekura u tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi, inkluż l-Għajxien Megħjun Kontestwalment (Ambient Assisted Living, AAL) u teknoloġiji oħra tas-saħħa (ambjent tal-kura) li jippruvaw jappoġġjaw il-ħajja indipendenti u jtejbu l-effiċjenza u l-kwalità tal-kura tal-anzjani.

Għandha tinħoloq infrastruttura lokalizzata, deċentralizzata u mifruxa li tippermetti l-kuntatt dirett bejn l-anzjani u l-membri tal-professjonijiet mediċi u tal-kura (“deistituzzjonalizzazzjoni”).

Għandhom jiġu appoġġjati n-netwerks reġjonali u lokali tal-partijiet ikkonċernati kollha għall-implimentazzjoni tal-objettiv “saħħa u tixjiħ”.

Fil-leġislazzjoni nazzjonali għandhom jiġu introdotti skemi obbligatorji li jassiguraw il-kura matul ix-xjuħija (pereżempju, assigurazzjoni għall-kura).

Is-sistemi soċjali u tas-saħħa għandhom jinfetħu għall-ittestjar tal-mudelli b’evalwazzjoni sussegwenti biex is-sistemi jkunu jistgħu jevolvu.

Is-sistemi għall-ħlasijiet addizzjonali u l-assigurazzjoni komplementari għandhom isiru flessibbli.

Għandhom jiġu mfassla u implimentati strateġiji nazzjonali u politiki għat-tagħlim tul il-ħajja (TTĦ) fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali.

Għandha tiġi żgurata r-rikonċiljazzjoni tal-familja, ix-xogħol u l-kura.

Għandu jissaħħaħ il-volontarjat.

Għandha tiġi rikonoxxuta l-importanza ta' dawk li jagħtu l-kura u l-bżonnijiet tagħhom.

1.1.2

Fil-livell Ewropew:

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-30.11.2009 għandu jitfassal pjan ta' azzjoni għal tixjiħ b’saħħtu u dinjituż.

Għandha tingħata prijorità lill-kwistjoni tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” fl-Istrateġija tal-UE għall-2020.

Hemm bżonn li jiġu armonizzati t-terminoloġija, id-definizzjonijiet, l-istrumenti ta' evalwazzjoni, il-vademecum, il-kriterji, il-proċeduri, eċċ. Issa għaddew 20 sena minn meta din il-problema dehret l-ewwel darba, però s’issa għadu ma sarx progress kbir.

Għandu jiġi enfasizzat it-tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż fis-snin Ewropej 2010 (Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali), 2011 (Sena Ewropea tal-Volontarjat) u 2012 (Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet) kif ukoll matul il-presidenzi tal-Kunsill f’dawn is-snin.

It-tibdil demografiku għandu jiġi inkluż fl-ipprogrammar ta' riċerka konġunta (joint research programming) tal-Kummissjoni Ewropea.

Għandha tiġi żviluppata Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Persuni li Għandhom Bżonn l-Għajnuna jew il-Kura.

Għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma speċifiku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar “It-tixjiħ u s-saħħa” (inklużi l-għoti tal-kura tas-saħħa, il-kura, il-pensjonijiet u s-sostenibbiltà finanzjarja).

Fil-KESE għandha tinħoloq “Round Table”, “Kategorija” jew inkella “Grupp ta' Studju Permanenti” dwar “It-tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż fid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet” sabiex titfassal strateġija interdixxiplinari f’dan il-qasam.

Il-ġerontoloġija u r-riċerka demografika għandhom jiġu inklużi bħala prijorità fit-Tmien Programm Qafas ta' Riċerka.

Għandu jiġi stabbilit proġett bl-isem “L-anzjani u t-trasferiment tal-għarfien” bħala parti mill-programm “Xjenza u soċjetà”.

Għandhom isiru lista u paragun tal-objettivi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa u tan-natura vinkolanti tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq permezz tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

Għandhom jiġu appoġġjati l-iskambji tal-prattiki t-tajba rigward is-soluzzjonijiet individwalizzati tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), pereżempju fil-kuntest tal-programm INTERREG, bl-appoġġ mill-Fondi Strutturali.

Għandhom jiġu appoġġjati l-Valutazzjonijiet tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (HTAs) li jsiru fuq livell multinazzjonali biex jiġu evalwati s-soluzzjonijiet ġodda tal-ICT li jikkonċernaw il-ħtiġijiet tal-kura tal-anzjani.

Għandu jkun hemm sensibilizzazzjoni kontinwa dwar it-tagħlim tul il-ħajja (TTĦ) kif ukoll skambju u koordinazzjoni tal-programmi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ b’enfasi fuq it-tema tat-“tixjiħ u s-saħħa”: mit-TTĦ għat-“tagħlim għal ħajja twila” (Learning for a long life).

Għandha tinħoloq immaġni ġdida tax-xjuħija – anke fil-mezzi tax-xandir.

Għandhom jitfasslu linji gwida Ewropej għar-rikonċiljazzjoni tal-familja, ix-xogħol u l-kura.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Introduzzjoni

2.1.1   Is-soċjetà fl-Unjoni Ewropea qed tixjieħ għaliex l-għomor mistenni ta' persuna qed jitwal. Il-Eurostat ibassar li l-proporzjon ta' persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq fil-popolazzjoni ser jiżdied minn 17,1 % fl-2008 għal 30 % fl-2060. Ir-relazzjoni medja bejn il-persuni fl-età tax-xogħol (15-64 sena) u l-persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq ser tinbidel minn 4:1 illum għal 2:1 fl-2050.

2.1.2   Parti kbira mill-persuni li qed jaħdmu ser joħorġu mis-suq tax-xogħol bejn l-2026 u l-2030. B’hekk, billi r-rati tat-twelid qegħdin jonqsu, ser jiżdied in-numru ta' persuni li ma jaħdmux meta mqabbel man-numru ta' persuni li jaħdmu.

2.1.3   F’Komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni (1) ġie nnutat li l-gvernijiet għandhom biss żmien qasir biex jimplimentaw miżuri li jindirizzaw il-problemi marbuta mat-tixjiħ demografiku, qabel ma jirtiraw il-maġġoranza ta' dawk li twieldu fis-snin tal-baby boom. F’dan il-kuntest, fit-18 ta' Settembru 2009 l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja li tħares lejn kif l-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw din il-problema jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta' inizjattivi Komunitarji fil-qasam tas-saħħa. Din l-opinjoni hija bbażata fuq diversi opinjonijiet tal-KESE (2).

2.1.4   Il-Presidenzi tal-Kunsill taħt ir-Repubblika Ċeka (1 ta' Settembru 2009), l-Isvezja (2 ta' Settembru 2009) u Spanja (1 ta' Settembru 2010) inkludew it-tixjiħ b’saħħtu, dinjituż u attiv bħala prijorità fl-aġenda tagħhom.

2.1.5   Is-soċjetà u dawk responsabbli fil-qasam tas-saħħa għandhom jiżviluppaw immaġni ġdida tax-xjuħija, immaġni li hija adatta għat-tibdil demografiku u tirrispetta d-dinjità tal-anzjani.

2.1.6   Mhux it-tixjiħ tal-popolazzjoni fih innifsu li joħloq aktar spejjeż, iżda t-tixjiħ mhux b’saħħtu. Għal din ir-raġuni, f’din l-opinjoni ser jiġu rakkomandati l-aktar miżuri għal tixjiħ b’saħħtu.

2.2   L-iżvilupp ulterjuri u l-innovazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, tas-sistemi soċjali kif ukoll tas-servizzi tas-saħħa

2.2.1   L-iżvilupp demografiku jirrikjedi li s-sistemi soċjali u tas-saħħa, is-servizzi tas-saħħa u servizzi relatati oħra jkomplu jiġu żviluppati fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom, sabiex i) jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-anzjani, ii) jiġi żgurat li dawk kollha li għandhom bżonn il-kura jirċievu s-servizzi meħtieġa biex iżommu l-awtonomija u d-dinjità tagħhom, u iii) il-gruppi kollha tal-popolazzjoni, irrispettivament mill-età, mis-sess, mis-sitwazzjoni finanjzarja u mill-post fejn joqogħdu, ikollhom aċċess ugwali għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità għolja (inklużi l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u l-kura palljattiva).

2.2.2   F’dan il-kuntest m’għandhomx jitqiesu biss l-istennijiet tal-anzjani fir-rigward tas-sistemi soċjali u tas-saħħa, iżda wkoll il-fatt li n-nies jieħdu r-responsabbiltà preventiva f’waqtha għat-tixjiħ tagħhom, u b’hekk l-istennijiet tas-soċjetà rigward in-nies li qed jixjieħu.

2.2.3   Sabiex jiġu appoġġjati l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul għall-anzjani kollha permezz tal-politika Komunitarja, l-UE għandha tagħmel lista u paragun tal-objettivi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa (3) u tan-natura vinkolanti tagħhom. Għandu jiġi determinat ukoll sa liema punt il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa jagħmlu diġà parti mis-sistemi tas-saħħa.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Oqsma li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari

3.1.1   Il-prevenzjoni

3.1.1.1   Il-bniedem jibda jixjieħ b’mod kontinwu malli jitwieled. Għalhekk huwa importanti li kemm jista’ jkun il-bniedem jgħix ħajtu kollha f’kundizzjonijiet tajbin. Huwa importanti li l-bidu u t-tmiem tal-ħajja jkunu tajbin. It-tixjiħ b’saħħtu jibda ħafna qabel persuna tirtira u jiġi influwenzat, fost affarijiet oħra, mill-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol kif ukoll mir-riżorsi disponibbli. Li kieku l-bniedem isir konxju minn dan il-fatt, ikun biss loġiku li jkun irid jixjieħ b’mod responsabbli (4). It-tixjiħ responsabbli jirrikjedi t-tagħlim tul il-ħajja. Għaldaqstant, fil-qasam tal-edukazzjoni dwar is-saħħa għandhom jitfasslu strateġiji u politiki ġodda għat-tagħlim tul il-ħajja (TTĦ) fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, li jkopru kull xorta ta' tagħlim (formali, mhux formali, informali). Dan jinkludi l-livelli ta' tagħlim kollha, mil-livell ta' qabel l-iskola sat-taħriġ avvanzat. Jekk jaġixxu b’mod reponsabbli billi jieħdu sehem f’miżuri ta' prevenzjoni (ikel, sport, stil ta' ħajja b’saħħtu, il-fatt li jiġu evitati l-fatturi ta' riskju, eċċ.) u fil-promozzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa, l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu kemm jista’ jkun id-dar tagħhom u fl-ambjent soċjali li huma mdorrijin fih. Barra minn hekk, ir-rwol tat-tekonoloġiji f’dan il-kuntest għandu jkompli jiġi indirizzat u evalwat b’mod kontinwu.

3.1.1.2   Fis-sistemi tas-saħħa għandha ssir enfasi akbar fuq il-prevenzjoni. Din ma tippermettix biss li n-nies idumu aktar attivi fis-suq tax-xogħol, iżda jkunu kapaċi wkoll jadattaw ruħhom għas-suq tax-xogħol. Il-kwalità tajba tal-protezzjoni tax-xogħol u t-titjib tal-ergonomija fuq il-post tax-xogħol jistgħu jagħtu kontribut essenzjali biex jitwal iż-żmien li persuna ddum taħdem b’saħħitha, u b’hekk tkun tista’ tiġi indirizzata wkoll l-isfida demografika.

3.1.1.3   Din l-estensjoni taż-żmien li persuna ddum taħdem tista’ ssir bis-saħħa tal-adattament tal-attivitajiet għall-ħiliet u l-bżonnijiet hekk kif in-nies jibdew jixjieħu (pereżempju, jgħaddu minn attivitajiet eżekuttivi għal oħrajn ta' tħejjija, konsulenza, appoġġ, gwida u ppjanar). Dan ifisser ukoll li l-anzjani jibqgħu integrati f’kuntesti soċjali u soċjoekonomiċi għal aktar żmien, u b’hekk ikomplu jirċievu stimuli siewja ta' prestazzjoni. B’dan il-mod, ħajjiet b’saħħithom itwal jissarrfu f’aktar snin ta' sodisfazzjon u produttività. Naturalment, dan ifisser li jrid ikun hemm il-miżuri meħtieġa b’rabta mal-kwalifiki u l-akkumpanjament sabiex jinbeda u jiġi żviluppat il-proċess imsemmi hawn fuq (tagħlim tul il-ħajja, kwalifiki professjonali inkluża ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba matul il-ħajja professjonali, eċċ.). Fil-kumpaniji jrid ikun hemm miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-inċidenti bil-għan li jiġu żviluppati kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom.

3.1.1.4   Wara li persuna tinqata’ mill-ħajja professjonali, l-integrazzjoni soċjali fis-soċjetà u fl-ambjent soċjokulturali hija importanti immens. Il-prevenzjoni tal-iżolazzjoni soċjali tfisser il-prevenzjoni tad-dipressjonijiet. L-anzjani jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jużaw il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom, pereżempju fix-xogħol volontarju. Madankollu, il-volontarjat għandu jiġi inkoraġġut sa miż-żgħożija.

3.1.2   Is-servizzi tas-saħħa

3.1.2.1   Qed tingħata importanza dejjem akbar lill-għoti ta' servizzi tas-saħħa ffokati fuq il-pazjent u lill-garanzija tal-inklużjoni tal-pazjenti fl-iżvilupp u t-tfassil tas-servizzi tas-saħħa.

3.1.2.2   Il-mard kroniku (dijabete, rewmatiżmu, mard tal-qalb), il-mard deġenerattiv tas-sistema nervuża (dimenzja u Alzheimer), tas-sistema muskoloskeletali u tal-għajnejn kif ukoll il-kanċer jiżdiedu bl-età. Dan joħloq sfidi partikolari għall-professjonijiet tal-kura tas-saħħa, id-dijanjosi, it-trattamenti u l-għoti tal-kura tas-saħħa.

3.1.2.3   Iridu jiġu żviluppati servizzi tas-saħħa għall-kura integrata u personalizzata li jpoġġu lill-pazjent fiċ-ċentru tal-attenzjoni.

3.1.2.4   Għandu jiġi inkoraġġut taħriġ aħjar u aktar speċifiku għall-professjonijiet tal-kura tas-saħħa: il-membri ta' dawn il-professjonijiet (tobba, spiżjara u persunal tal-kura) u x-xjentisti għandhom ikunu aktar konxji tal-ispeċifiċitajiet tal-mediċina ġerjatrika u għandhom ikomplu jitħarrġu b’mod kontinwu f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ speċifiku dwar l-importanza tal-miżuri tal-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni fix-xjuħija (pereżempju, prevenzjoni tal-waqgħat, nutrizzjoni sana, eċċ.).

3.1.2.5   L-iżvilupp u l-adattament tat-tipi ta' trattamenti skont l-età tal-pazjent: il-patoloġiji multipli, il-fatt li l-metaboliżmu jinbidel fix-xjuħija u, f’ħafna każi, it-trattamenti multipli jirrikjedu għarfien preċiż tal-inferenzi bejn l-organi u s-sistemi ta' ġisem l-anzjani. Dan jitlob ġestjoni partikolari tal-mediċina, u l-mediċini u d-dożi jridu jiġu magħżula u adattati skont il-metaboliżmu tal-anzjani. Il-pariri personalizzati fl-ispiżeriji pubbliċi b’testijiet tal-interazzjoni u ICT tajba fl-ispiżeriji pubbliċi li jipprovdu l-informazzjoni dwar il-mediċini u l-interazzjoni tagħhom jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti sekondarji u mhux mixtieqa tal-mediċini u biex it-trattamenti jirnexxu bl-aħjar mod possibbli.

3.1.2.6   Il-promozzjoni tal-kuntatt dirett u kontinwu bejn l-anzjani u l-professjonijiet mediċi u tal-kura: iktar kemm l-anzjani jkollhom bżonn il-kura, iktar ikun importanti dan il-kuntatt sabiex jiġi assigurat is-suċċess tat-trattament u jiġu evitati l-iżolazzjoni u d-dipressjoni.

3.1.3   Is-servizzi tal-kura

3.1.3.1   Għandhom jiġu stabbiliti standards sabiex tiġi żgurata, iċċekkjata u evalwata l-kwalità tas-servizzi tal-kura. Għandha tiġi żviluppata Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Persuni li Għandhom Bżonn l-Għajnuna jew il-Kura, li fost affarijiet oħra tinkludi l-protezzjoni kontra l-vjolenzja fil-kura. Hawnhekk jistgħu jikkontribwixxu t-teknoloġiji l-ġodda (pereżempju, l-AAL), li jippermettu li persuna tibqa’ tgħix b’mod indipendenti. Madankollu, it-teknoloġiji potenzjali ġodda jridu jiġu evalwati b’mod adegwat u m’għandhom bl-ebda mod iwasslu għal inugwaljanzi ġodda fl-għoti tal-kura tas-saħħa u tal-kura fil-livell nazzjonali.

3.1.3.2   Għall-anzjani, ir-riabilitazzjoni għandha tieħu preċedenza fuq il-kura. Il-kura istituzzjonalizzata m’għandhiex issir triq b’direzzjoni waħda: għandu jkun hemm toroq biex wieħed joħroġ mill-kura u jmur lura d-dar. L-istituti attwali tas-saħħa u tal-kura ftit li xejn jissodisfawh dan il-kriterju.

3.1.3.3   L-iżvilupp ta' istituti għall-morda u għall-kura li jkunu adatti skont l-età u ta' djar alternattivi: tinħtieġ tranżizzjoni bla tfixkil u riversibbli bejn is-saħħa, il-mard, il-kura u l-ħajja soċjali, li f’każ ta' bżonn toffri għajnuna medika u kura u tħalli lill-anzjani kemm jista’ jkun f’ambjent “normali”, jiġifieri f’ambjent b’diversi ġenerazzjonijiet. Dan jitlob koordinazzjoni tajba tal-għoti tal-kura tas-saħħa u tal-kura. Fl-istess ħin, minbarra l-istituti tal-kura fit-tul, għandhom jiġu previsti ospizji għall-in-patients u għall-out-patients u istituti għall-mediċina palljattiva, u għandha titrawwem “kultura tal-ospizji”.

3.1.3.4   Għal dan il-għan għandha tinħoloq infrastruttura lokalizzata, deċentralizzata u mifruxa għall-kura fid-djar (“deistituzzjonalizzazzjoni”). Għandha tiġi promossa infrastruttura tal-kura mhux istituzzjonalizzata li tinkludi s-servizzi neċessarji kollha (il-kura tal-outpatients, il-kura fid-djar, l-għajnuna f’kompiti żgħar). Dan għandu jiġi rifless f’organizzazzjoni fil-livell reġjonali u f’finanzjament strutturali mtejjeb sabiex jiġi garantit li jkun hemm istituti u strutturi adegwati mhux biss fil-bliet iżda madwar il-pajjiż kollu.

3.1.3.5   Il-valur ta' soċjetà jitkejjel minn kif tittratta lill-anzjani. Il-volontarjat għandu importanza kbira fir-rigward tal-għajnuna u l-kura tal-anzjani. Fil-ġejjieni, kull ċittadin għandu jassumi r-responsabbiltà tiegħu, skont il-possibbiltajiet tiegħu, fir-rigward tal-morda, il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani. Però għandu wkoll jingħata kumpens għall-impenn tiegħu.

3.1.4   Ir-riċerka dwar l-oqsma msemmija hawn fuq

It-tibdil demografiku għandu jiġi inkluż fl-ipprogrammar ta' riċerka konġunta (joint research programming) tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala kontinwazzjoni tal-proġetti WhyWeAge u Futurage tas-Seba’ Programm Qafas, it-Tmien Programm Qafas għandu jagħti prijorità lill-ġerontoloġija (ir-riċerka dwar ix-xjuħija u t-tixjiħ) u r-riċerka demografika. Jagħmel sens ukoll li fil-programm “Xjenza u soċjetà” tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka jiżdied qasam bl-isem “L-anzjani u t-trasferiment tal-għarfien”. F’dan ir-rigward tinħtieġ ukoll ir-riċerka dwar l-oqsma li ġejjin:

3.1.4.1   Ir-riċerka dwar il-prevenzjoni

Fil-futur x’ser ikunu l-miżuri ta' prevenzjoni sabiex tinżamm is-saħħa fuq il-post tax-xogħol?

Fit-tul x’konsegwenzi għandhom ċerti stili ta' ħajja fuq is-saħħa b’mod ġenerali u fuq mard partikolari?

Il-varji stili ta' ħajja relatati mal-ġeneru, il-kultura u l-migrazzjoni kif jinfluwenzaw it-tixjiħ b’saħħtu?

X’jista’ jsir biex jiġu evitati l-waqgħat u l-ksur tal-għadam?

Liema miżuri preventivi huma utli biex jinżammu l-kapaċitajiet fiżiċi, tas-sensi, konoxxittivi u soċjali?

In-nies kif jistgħu jiġu motivati biex iġibu ruħhom b’mod responsabbli rigward saħħithom u l-proċess tat-tixjiħ tagħhom? (Promozzjoni ta' mġiba b’saħħitha, inċentivi biex l-anzjani jużaw miżuri u faċilitajiet sabiex jibqgħu b’saħħithom).

In-nies kif jistgħu jiġu motivati jbiddlu l-imġiba tagħhom bil-għan li jadattaw ruħhom aħjar għall-ambjent soċjali?

3.1.4.2   Ir-riċerka dwar il-mard u t-trattamenti

b’rabta mal-epidemjoloġija u l-etjoloġija tal-mard relatat mal-età, sabiex jittejbu l-possibbiltajiet ta' prevenzjoni;

b’rabta mal-proċess bijoloġiku tat-tixjiħ mill-benniena sat-tebut;

b’rabta mal-patoloġiji multipli, il-mard kroniku, il-kanċer, il-mard tal-qalb, ir-rewmatiżmu u l-mard tas-sistema muskoloskeletali, it-tnaqqis tal-vista (pereżempju l-katarretti), il-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer, eċċ. Hawnhekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll it-titjib tal-possibbiltajiet ta' dijanjosi sabiex ikun hemm dijanjosi minn kmieni u b’hekk ikun jista’ jibda jingħata t-trattament malajr;

b’rabta mat-trattamenti tal-anzjani fir-rigward tal-mard speċifiku għall-età: il-proċessi bijokimiċi li jaffettwaw l-assorbiment mill-ġdid, il-metoboliżmu, l-effikaċja tal-mediċini kif ukoll il-medikazzjoni u d-doża għandhom jiġu mifhuma aħjar u jiġu kkunsidrati fit-trattamenti. F’ħafna każi ma jkunx hemm il-bażi terapewtika għal dan, billi l-provi kliniċi u t-testijiet tal-mediċini fil-parti l-kbira jsiru fuq adulti żgħażagħ biss.

3.1.4.3   Ir-riċerka dwar il-kura

Kif jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda li jaqdu l-bżonnijiet tal-anzjani?

Liema hu l-aħjar ambjent għall-għoti tal-kura u liema huwa l-aħjar mod biex tingħata l-kura?

Kif jistgħu jittejbu l-kwalifiki u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-kura, anke b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda?

X’kontribut jagħtu s-soluzzjonijiet tekniċi (bħar-robotika) biex jittaffa l-piż tal-qraba li jieħdu ħsieb lill-morda tagħhom u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-kura mingħajr ma jitnaqqsu l-integrità u d-dinjità tal-persuna li tkun qed tingħata l-kura?

L-għoti tal-kura kif jista’ jiġi adattat għall-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-anzjani li jkollhom bżonn il-kura?

Liema kunċetti ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-appoġġ tal-kura fid-djar? Dan jinkludi wkoll l-appoġġ finanzjarju u r-rikonoxximent soċjali tal-qraba li jieħdu ħsieb il-morda tagħhom (pereżempju, il-possibbiltà ta' ftehim bejn min iħaddem u l-impjegat biex jitnaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol għal perijodu determinat ta' żmien minħabba l-kura, ir-rikonoxximent tal-ħinijiet tal-kura fl-iskemi tal-pensjoni, l-allowance għall-kura, eċċ.).

X’toroq ġodda jeżistu għat-tfassil tal-kura, it-tnaqqis tal-uġigħ u l-kura fi tmiem il-ħajja sabiex in-nies imutu b’mod dinjituż?

3.1.4.4   Ir-riċerka dwar is-sistemi tas-saħħa

Ir-riċerka dwar il-kura tas-saħħa pubblika għandha tħares lejn is-sistemi tas-saħħa u l-kura fit-tul kif ukoll lejn l-integrazzjoni tas-servizzi, u għandu jiġi żviluppat pjan direzzjonali għar-riċerka dwar it-tixjiħ. Tinħtieġ evalwazzjoni ta' jekk is-sistemi soċjali u tas-saħħa fl-Istati Membri humiex lesti għall-isfidi tat-tibdil demografiku. Pereżempju, x’enfasi qed titpoġġa fuq il-prevenzjoni? Min-nefqa fuq is-saħħa, kemm qed jintefqu flus fuq il-prevezjoni? Kemm-il persuna qed tiġi kkurata d-dar jew fl-istituti?

Kemm qed jiġu ffrankati riżorsi permezz tal-ħidma u l-kura volontarja? Mix-xogħol li jsir mingħajr ħlas, kemm minnu jsir id-dar, b’mod partikolari min-nisa?

Hemm bżonn li ssir riċerka dwar l-effetti fuq is-saħħa u l-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-saħħa elettronika fit-trattament u l-kura tal-anzjani qabel ma jiġu introdotti dawn it-teknoloġiji. Dawn it-teknoloġiji jżommu l-wegħdiet tagħhom fit-testijiet prattiċi? L-aktar gruppi vulnerabbli jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji?

Bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, għandha ssir riċerka soċjoekonomika u klinika dwar l-effiċjenza u l-effettività tal-investimenti fit-titjib tas-saħħa u l-għoti tal-kura għall-anzjani.

Kif jistgħu jittejbu dawk l-aspetti li huma komuni kemm fis-servizzi tas-saħħa kif ukoll f’dawk soċjali?

3.1.5   L-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda

3.1.5.1   Min-naħa l-oħra, flimkien mal-piż li qed jinħoloq minħabba t-tibdil demografiku hemm potenzjal kbir. Dan jikkonċerna l-aktar il-prodotti u s-servizzi ġodda għal soċjetà li qed tixjieħ. Il-fattur ekonomiku tat-tixjiħ jista’ jsir xprun ekonomiku b’aktar tkabbir u impjiegi fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa, teknoloġiji ġodda, mediċini, prodotti mediċinali, teknoloġija tal-mediċini kif ukoll b’aktar turiżmu u benesseri. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku fuq in-nefqa tas-saħħa jistgħu jkunu konsiderevoli: huwa mbassar li sal-2060 in-nefqa pubblika fil-qasam tas-saħħa fl-UE ser tiżdied b’madwar 1,5 punti perċentwali tal-PDG. Għandhom jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda u mbagħad jitpoġġew fis-suq. Il-valur li jinħoloq b’dan il-mod jiġi influwenzat mill-volum tas-suq, mill-prezz u mill-valur miżjud tagħhom.

3.1.5.2   Filwaqt li l-“ewwel suq tas-saħħa” jagħti prijorità lill-iffrankar tal-ispejjeż u fuq il-bażi ta' dan jiġi deċiż jekk l-Ambient Assisted Living (AAL) jiġix inkluż fil-katalgu ta' servizzi tal-assigurazzjoni tal-mard u/jew tal-kura, it-“tieni suq tas-saħħa” jista’ jaġixxi b’mod ħafna aktar ħieles u flessibbli f’dan ir-rigward. Hawnhekk jeħtieġ li jiġu żviluppati mudelli sostenibbli u affordabbli tal-kummerċ li jitħallsu mill-bejgħ, il-kiri jew il-leasing. Fl-istess ħin irid jiġi żgurat li t-“tieni suq tas-saħħa” jevita l-inugwaljanzi.

3.1.5.3   Il-ġbir u l-iskambju tal-għarfien soċjali u ekonomiku dwar il-konsegwenzi tal-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-kura għandhom jiġu promossi, pereżempju billi titkompla l-ħidma fuq il-proġetti pilota li għaddejjin bħalissa fil-qafas tal-Programm tal-Kompettività u l-Innovazzjoni. Fl-istess ħin għandu jiġi appoġġjat ukoll l-iskambju tal-prattiki t-tajba fl-ICT b’rabta mas-soluzzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità ta' ħajjet l-anzjani, pereżempju fil-kuntest tal-programm INTERREG u bl-użu tal-Fondi Strutturali. Din ir-riċerka għandha tevalwa l-opinjoni ta' dawk li jużaw dawn it-teknoloġiji, speċjalment dwar kemm huma faċli biex tużahom u dwar il-vantaġġi tagħhom.

3.1.5.4   Minn naħa, huwa minnu li l-progress teknoloġiku u l-metodi li ġew żviluppati reċentament għar-rikonoxximent u t-trattament bikri huma fattur ewlieni għaż-żieda fin-nefqa. Però, minn naħa oħra, jekk l-avvanzi tekniċi jiġu applikati b’mod għaqli, f’perijodu twil ta' żmien jistgħu jiġu ffrankati wkoll il-flus. Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (HTA) għandha tingħata rwol akbar sabiex jiġu determinati l-iskop tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura u sa liema punt dawn qed jiġu ffinanzjati. Għalhekk, l-introduzzjoni u l-ġestjoni effettivi tat-teknoloġiji l-ġodda huma deċiżivi għal kif tiżviluppa n-nefqa fil-futur. Però, it-teknoloġiji ma jistgħux u m’għandhomx jissostitwixxu l-kuntatt dirett bejn l-anzjani u l-persunal mediku u tal-kura. Barra minn hekk, dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu minn but kulħadd.

3.1.6   Is-sostenibbiltà finanzjarja

3.1.6.1   Kważi f’kull Stat Membru, l-għajnuna u s-servizzi tal-kura għall-anzjani huma ffinanzjati mis-sistemi soċjali. Dan ifisser li kull waħda minn dawn is-sistemi teħtieġ finanzjament sostenibbli u sigur.

3.1.6.2   Il-bżonn tal-kura għadu marbut mar-riskju tal-faqar, speċjalment għall-persuni rtirati b’pensjoni baxxa jew bi dħul baxx. Fl-Ewropa, ħafna nies ma jistgħux iħallsu kura adegwata fi xjuħithom. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu poloz għall-ispejjeż tal-kura fil-pajjiżi kollha tal-UE, skont l-organizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom (sistemi soċjali b’assigurazzjoni jew sistemi ffinanzjati mit-taxxi), u l-poloz li diġà jeżistu għandhom jiġu adattati għall-isfidi tat-tibdil demografiku matul l-għaxar snin li ġejjin, sabiex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għas-servizzi tal-kura b’konformità mal-liġi Komunitarja, mad-dispożizzjonijiet leġislattivi u d-drawwiet ta' kull Stat Membru kif ukoll mal-bżonnijiet tal-individwu. Din il-polza għall-ispejjeż tal-kura m’għandhiex tkopri biss is-servizzi tal-in-patients, iżda wkoll dawk tal-out-patients.

3.1.6.3   It-trasferiment ta' parti mill-kura fit-tul lill-assigurazzjoni tas-saħħa privata għandu jsir bi ħsieb u b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jiġi evitat li din it-tendenza tikkomplika l-aċċess għal dawn is-servizzi. Fil-futur l-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw li l-anzjani jkollhom aċċess universali għall-kura primarja u l-prevenzjoni. Dan l-objettiv ambizzjuż jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament disponibbli kollha: is-sistemi tas-sigurtà soċjali previsti fil-liġi kif ukoll il-mekkaniżmi komplementari.

3.1.6.4   L-istrutturi l-ġodda għar-rimborż tal-ispejjeż għandhom jippermettu li anke l-qraba mill-bogħod ikunu jistgħu jingħataw allowance talli jieħdu ħsieb lill-persuni li jkollhom bżonn il-kura. Madankollu, f’dawn il-każi għandha tiġi żgurata wkoll il-kwalità tal-kura! Barra minn hekk, għandu jiġi introdott leave tal-kura bħal-leave tal-maternità. Fil-livell politiku għandhom jitfasslu minnufih, u bi ftehim mal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (bħal fil-każ tal-leave tal-ġenituri), possibbiltajiet għar-rikonċiljazzjoni tal-familja, ix-xogħol u l-kura.

3.1.6.5   Il-pressjoni finanzjarja fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tista’ titnaqqas permezz ta' sensiela ta' miżuri nazzjonali, pereżempju billi jintużaw aktar il-mediċini ġeneriċi, jitnaqqas il-VAT fuq il-mediċini, u jsiru negozjati mal-industriji farmaċewtiċi dwar il-prezzijiet.

3.2   In-netwerks lokali – L-iżgħar unità hija l-aktar waħda effettiva u qrib iċ-ċittadin

3.2.1   L-anzjani jistgħu, skont kemm jippermettilhom l-istat ta' saħħtihom, jagħtu ħafna lis-soċjetà. Minħabba ċ-ċirkustanzi personali u professjonali, illum il-ġurnata l-familji b’diversi ġenerazzjonijiet qegħdin dejjem jonqsu. Din il-lakuna tista’ tingħalaq mill-atturi privati u muniċipali b’netwerks lokali, għaliex l-istrutturi tas-servizzi ta' interess ġenerali jridu jiġu adattati fil-livell reġjonali u muniċipali sabiex jiggarantixxu livell tajjeb ta' appoġġ u għajnuna.

3.2.2   In-netwerks lokali huma, pereżempju, il-pjattaformi tal-atturi muniċipali, l-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-korpi responsabbli fil-qasam tas-saħħa li jagħtu kontribut għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni tas-servizzi. Inizjattivi bħal dawn joffru possibbiltajiet tajba biex jiġu appoġġjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni. L-Ewropa għandha tirrikonoxxi mudelli ta' prattika tajba, bħall-inizjattivi maħsuba biex jinkoraġġixxu l-“impenn taċ-ċittadini” u l-awtoassistenza fil-qasam tal-għajnuna u l-kura fid-djar.

3.2.3   Id-djar b’diversi ġenerazzjonijiet huma wkoll forma ġdida tal-iskambju bejn ġenerazzjonijiet differenti barra l-familja: huma jgħaqqdu taħt saqaf wieħed il-ħidma tal-kindergardens, il-klabbs taż-żgħażagħ u ċ-ċentri tal-anzjani (5).

3.2.4   Għandhom jiġu previsti wkoll servizzi oħra, bħall-kura bi nhar u bil-lejl (partikolarment għal dawk li jbatu bid-dimenzja).

3.3   Il-politika Ewropea tas-saħħa

3.3.1   Is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri jridu jiffaċċjaw l-isfidi tat-tibdil demografiku u għandhom jissaħħu f’dan ir-rigward. Huwa importanti li wieħed jinnota li anke skont it-Trattat ta' Lisbona, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa huma l-kompitu u r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u li f’dan il-kompitu l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu biss jappoġġjaw lill-Istati Membri. Minħabba l-organizzazzjoni (l-assigurazzjonijiet privati joperaw flimkien mas-sistemi tal-Istat skont il-mudell Beveridge, il-mudell Bismarck jew skont mudell imħallat), l-iżvilupp, id-differenza fil-qawwa tal-ekonomija, il-ħtiġijiet u l-istennijiet li jkollhom, is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri huma differenti immens. Madankollu, kif titlob ukoll il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi garantit id-dritt tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa.

3.3.2   Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) jista’ jikkontribwixxi biex il-politika tas-saħħa tiġi mfassla u mmaniġġjata b’mod aktar effiċjenti. Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq l-iskambju tal-esperjenzi u d-deskrizzjoni tal-eżempji prattiċi fir-rigward tat-tliet oqsma ewlenin, jiġifieri l-“aċċess”, il-“kwalità” u l-“vijabbiltà fit-tul”.

3.3.3   Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, anke l-kompetenza fit-tfasssil tal-politika soċjali tibqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Però l-UE tista’ tgħinhom permezz ta' miżuri ta' appoġġ, pereżempju billi tikkomplementa jew tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-qasam soċjali, il-MMK huwa strument siewi sabiex itejjeb il-protezzjoni soċjali skont il-prinċipji tal-aċċess, l-adattament u s-sostenibbiltà.

3.3.4   Il-kwistjoni tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” għandha ssir prijorità tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 billi jitħejja pjan ta' azzjoni għal dan il-għan. Dan jirrikjedi kooperazzjoni kontinwa u aktar intensiva min-naħa tad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma speċifiku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar “It-tixjiħ u s-saħħa” li jinkludi l-għoti tal-kura tas-saħħa, il-kura, il-pensjonijiet u s-sostenibbiltà finanzjarja. Il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll l-edukazzjoni dwar is-saħħa għandhom jissaħħu u jiġu integrati f’kull qasam ta' politika sabiex ikunu ta' eżempju għall-Istati Membri.

3.3.5   Il-KESE għandu jindirizza b’mod kontinwu t-tema tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” fid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet permezz ta' “Round Table”, “Kategorija” jew inkella “Grupp ta' Studju Permanenti” sabiex titfassal strateġija interdixxiplinari dwar id-demografija.

3.3.6   Il-politika tal-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' miżuri nazzjonali permezz tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni.

3.3.7   Barra minn hekk, il-KESE jerġa’ jappella għall-appoġġ kontinwu tat-tagħlim tul il-ħajja fil-qasam tat-“tixjiħ u s-saħħa” fil-livell Ewropew, u l-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 180 finali.

(2)  Ara l-lista ta' opinjonijiet tal-KESE hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/sections/soc/index_en.asp.

(3)  Ara: l-Osservatorju Ewropew tas-Sistemi u l-Politiki tas-Saħħa (European Observatory on Health Systems and Policies) (http://www.euro.who.int/en/home/projects/observatory/activities/research-studies-and-projects)

(4)  “Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.” (Salm 90:12).

(5)  http://www.mehrgenerationenhaeuser.de.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/03

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

F’ittra tas-16 ta’ Frar 2010, is-Sinjura Joëlle Milquet, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Impjiegi u l-Opportunitajiet Indaqs, inkarigata mill-politika tal-migrazzjoni u l-asil, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Belġjana futura u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar

il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, vot 1 kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jifraħ li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jadottaw approċċ proattiv fil-qasam tal-asil u li ċerti Stati Membri jixtiequ jimxu ’l quddiem f’dan il-qasam ta’ azzjoni.

1.2

Għalkemm il-politika tal-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni Ewropea tinsab taħt il-pressjoni ta’ diversi sorsi ta’ inċertezza u ta’ riskju fil-livell dinji (1), il-Kumitat jemmen li d-diversi restrizzjonijiet baġitarji minħabba l-kriżi ekonomika ma jistgħux iwasslu biex jonqsu l-livell u l-kwalità tal-protezzjoni mogħtija lill-benefiċjarji. L-identità tal-Unjoni Ewropea hija marbuta mill-qrib mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Jekk tonqos milli tassigura din il-protezzjoni, il-kredibbiltà interna u esterna tagħha bħala entità politika u demokratika tiddgħajjef.

1.3

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-responsabbiltajiet miżjuda tal-UE f’dan il-qasam u t-tibdil fil-mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jiftħu l-prospetti li tinħoloq żona Ewropea komuni tal-asil. Madankollu jeżistu xi riskji f’dan il-qasam. L-istennijiet maħluqa jistgħu jkunu eċċessivi fir-rigward tal-kapaċitajiet politiċi u amministrattivi li jeżistu.

1.4

Il-Kumitat huwa tal-fehma li politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil li tkun funzjonali hija l-aktar tweġiba effikaċi u sostenibbli għall-bżonn li jiġu protetti l-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju, bir-riperkussjonijiet li jirriżultaw minn dan għall-Istati Membri.

1.5

Il-Kumitat ma jikkunsidrax lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali bħala piż ekonomiku u amministrattiv, iżda jarahom bħala msieħba prezzjużi għall-pajjiżi u l-komunitajiet li jilqgħuhom. Fl-Istati tal-oriġini tagħhom, huma jistgħu jġibu magħhom bidla li ssaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bis-saħħa tal-kompetenzi li jkunu kisbu, huma jistgħu jsiru atturi essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-artijiet li jilqgħuhom kif ukoll tal-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

1.6

Il-falliment jew is-suċċess ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) ser jiddependi minn għadd ta’ parametri essenzjali: il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-politiki relatati, it-tisħiħ tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u l-finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet Ewropej inkarigati minn dan il-qasam. Fil-fehma tal-Kumitat, l-ewwel u qabel kollox għandu jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku inġenerali, tas-soċjetà ċivili u tal-gvernijiet tal-Istati Membri f’politika Ewropea komuni tal-asil. Dan l-għan jista’ jintlaħaq billi l-politika tiġi implimentata malajr u billi jinkisbu riżultati konkreti, b’mod partikolari fil-każi li jservu bħala prova.

1.7

L-eżistenza ta’ sistemi għall-għoti tal-asil li jvarjaw skont il-pajjiżi toħloq spejjeż kbar. It-twaqqif ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil tista’ tiċċarahom u tillimitahom, l-ewwel nett bis-saħħa tas-semplifikazzjoni leġislattiva (tnaqqis fin-numru ta’ appelli jew applikazzjonijiet ripetuti, limitazzjoni tal-possibbiltajiet li l-proċeduri jintużaw b’mod abbużiv), u t-tieni nett permezz tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej kompetenti li, bħall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, jistgħu jissostitwixxu l-awtoritajiet nazzjonali. Permezz ta’ dan ikun aktar faċli li jsir skambju tal-prattiki t-tajba, li jingħata t-taħriġ lill-persunal ikkonċernat u, fuq kollox, li jerġgħu jiġu orjentati l-flussi ta’ dawk li jfittxu l-asil.

2.   Introduzzjoni

2.1

Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE tinsab f’fażi deċiżiva. Mill-1999 ’l hawn il-Kunsill adotta żewġ pjani ta’ ħames snin: il-programm ta’ Tampere (1999-2004) u dak tal-Aja (2004-2009). F’għaxar snin l-objettivi stabbiliti f’Tampere ntlaħqu biss b’mod parzjali. L-UE għadha mhix żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Ġie reġistrat progress konsiderevoli iżda inugwali fil-qasam tal-politika komuni tal-immigrazzjoni, tal-asil u tas-sigurtà fil-fruntieri.

2.2

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ser jiġi implimentat il-programm ta’ Stokkolma u, għalhekk, il-Kunsill ser jadotta sensiela sħiħa ta’ politiki li jidhru fih permezz tal-proċedura leġislattiva klassika jew permezz tal-kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew. Għaldaqstant, l-UE ser tkun tista’ tistabbilixxi objettivi aktar ambizzjużi għaliha stess u tniedi mill-ġdid proċess li għalissa huwa ostakolat minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri qed joqogħdu lura.

2.3

Bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, li integra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-asil żdiedu b’mod wiesa’ ħafna. Din l-estensjoni tas-setgħat toffri l-opportunità biex jingħażel il-progress lejn it-twettiq tal-objettivi fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil, iżda jista’ jinħoloq ukoll riskju jekk ma jinkisibx l-appoġġ tal-atturi interessati għad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Jekk ma jissolvewx it-tensjonijiet u l-impreċiżjonijiet li huma marbuta ma’ qasam daqstant sensittiv u li diġà kienu evidenti fl-istadju tat-tħejjija tal-azzjoni, dan ser jikkomprometti kemm il-progress li sar s’issa kif ukoll il-prospetti futuri.

2.4

Il-Programm ta’ Stokkolma huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li indirizza mill-ġdid u implimenta l-proposti tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2), ir-rapporti tal-grupp konsultattiv dwar il-ġejjieni tal-politika interna u tal-ġustizzja (3), kif ukoll il-kontributi li l-Kummissjoni Ewropea rċeviet f’Settembru u Novembru 2008 fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-“Libertà, sigurtà u ġustizzja: X’ser ikun il-futur? – Konsultazzjoni dwar il-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”. F’Ġunju 2009 l-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bl-isem “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – Aktar libertà f’ambjent aktar sikur” (4), li ġiet diskussa f’Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (5).

2.5

Il-ħolqien tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) bħala parti miż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja huwa bbażat fuq l-impenn favur l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (1951) u fuq il-valuri li jiddefinixxu d-drittijiet tal-bniedem, kondiviżi mill-Istati Membri. Fil-perijodu bejn l-1999 u l-2006 sar progress sostanzjali, l-aktar bl-adozzjoni ta’ erba’ strumenti li jsawru dak li nkiseb s’issa. Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (id-Direttiva dwar il-kwalifika) iddefinixxiet il-kriterji komuni biex jiġi determinat liema huma l-persuni ġustifikati biex jitolbu l-protezzjoni internazzjonali, u stabbilixxa livell minimu ta’ benefiċċji li għandhom jingħataw fl-Istati Membri tal-UE kollha. Fil-programmi tal-Aja u ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni Ewropea daħlet għall-impenn li tevalwa l-progress li sar fl-ewwel fażi u li tipproponi sensiela ta’ miżuri lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew qabel tmiem l-2010.

2.6

Mill-2002 ’l hawn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħa sehem fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil permezz ta’ sensiela sħiħa ta’ opinjonijiet, fosthom dawk fuq il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Asil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (6) u fuq il-Programm ta’ politika dwar l-asil (7).

2.7

Fil-pjan strateġiku tagħha fil-qasam tal-asil, li ġie adottat fis-17 ta’ Ġunju 2008 (8), il-Kummissjoni pproponiet li l-Unjoni tiffinalizza t-tieni fażi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) billi jiġu adottati standards ta’ protezzjoni mtejba u billi tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tagħhom fl-Istati Membri. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil adottat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ottubru 2008 tenna l-appoġġ tiegħu għal din il-politika u għall-objettivi stabbiliti. Il-pjan strateġiku jipprevedi li d-Direttiva dwar l-Istatus tiġi riveduta fil-qafas ta’ sensiela usa’ ta’ inizjattivi li tinkludi r-reviżjoni tar-Regolamenti ta’ Dublin u tal-Eurodac u tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza (9) u l-adozzjoni, nhar id-19 ta’ Frar 2009, ta’ proposta dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) (10). Fost il-miżuri l-oħra proposti, huwa rakkomandat li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-asil, b’mod partikolari permezz ta’ programm Ewropew ta’ risistemazzjoni u bl-iżvilupp ta’ programmi reġjonali ta’ protezzjoni.

2.8

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Belġjan talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar il-kwistjoni tal-asil. Fit-talba uffiċjali jingħad li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju huwa waħda mill-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Matul dawn l-aħħar snin, huma ħadmu bis-sħiħ għall-objettiv prinċipali li stabbilixxew, jiġifieri li jibnu politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil. Stabbilixxew standards sabiex tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali, iddeterminaw xi responsabbiltajiet u ħolqu istituzzjonijiet ġodda. Madankollu, numru sostanzjali ta’ Stati Membri m’għandhomx ir-rieda li li jarmonizzaw b’mod ġenwin il-leġislazzjoni u l-politiki tagħhom. Mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri, hemm riskju li l-kostruzzjoni Ewropea, leġislattiva u istituzzjonali, issir ineffikaċi u għalja. Dawn l-Istati Membri għadhom mhumiex qed jaraw sewwasew il-vantaġġi ta’ politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil u mhumiex jassumu b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tagħhom.

2.9

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew żviluppa proposti kostruttivi f’dan il-qasam, filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fil-prattiki tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Fil-pożizzjonijiet li ħa, huwa appoġġja b’mod miftuħ il-prinċipji u l-valuri li jagħtu prijorità lid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ppropona miżuri bil-għan li jistimolaw l-iżvilupp personali u professjonali ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali. Ġibed ukoll kemm-il darba l-attenzjoni għal-limiti u l-inkoerenzi tal-politiki Ewropej, kemm f’dawk li jinsabu fl-istadju ta’ abbozz kif ukoll f’dawk li qed jiġu implimentati. F’dan il-qasam, jeħtieġ li jiġu aġġustati l-politiki u l-istrumenti b’mod konsenswali li jassoċja fi djalogu ġenwin lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet Komunitarji, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dinja tal-intrapriżi u l-komunitajiet lokali.

3.   Kummenti ġenerali

Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil għall-persuni li jfittxu l-asil u għall-Istati Membri

3.1

Il-Kumitat jemmen li approċċ li jenfasizza l-vantaġġi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil huwa promettenti u jista’ potenzjalment jerġa’ jibni l-fiduċja tal-atturi interessati, b’mod partikolari l-Istati Membri, fil-proċess ta’ tħejjija ta’ dan il-mekkaniżmu.

3.2

Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-objettivi li qed tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għaliha stess fir-rigward tal-perfezzjonament tas-sistema Ewropea komuni ta’ asil. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għad-differenza li hemm bejn l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew u l-prattiki nazzjonali f’dan il-qasam, u dan jista’ jkompli jikber minħabba l-kriżi ekonomika u l-impatt soċjali u politiku tagħha.

3.3

Is-sistema Ewropea komuni tal-asil ma tistax tinbena mingħajr ma tiġi bbażata bis-sħiħ f’qafas ta’ valuri u prinċipji komuni li jpoġġu d-dinjità u s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

3.4

Minħabba li l-pressjonijiet li jiffaċċjaw id-diversi Stat Membri jvarjaw ħafna, bħalma huwa rifless fid-disparitajiet bejn il-livelli ta’ aċċettazzjoni, in-numru ta’ deċiżjonijiet ikkontestati u l-movimenti sekondarji ta’ dawk li jfittxu l-asil, joħroġ fid-dieher li l-prinċipju impliċitu tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhuwiex qed jiġi applikat.

3.5

It-tendenza tal-Istati Membri li jillimitaw l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-prattiki nazzjonali ddgħajjef is-sisien tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. L-armonizzazzjoni mhix problema tal-politika tal-asil, iżda hi l-istrument prinċipali li bis-saħħa tiegħu jkunu jistgħu jitwettqu l-vantaġġi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. Hija tista’ tnaqqas il-pressjoni amministrattiva u finanzjarja li jkun hemm fuq ċerti Stati Membri u barra minn hekk tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni għal dawk li jfittxu l-asil, għall-inqas fil-fażi inizjali tal-proċess. Jekk irriduha tipproduċi r-riżultati mistennija, l-armonizzazzjoni m’għandhiex issir fuq il-bażi tal-iżgħar denominatur komuni fil-qasam tal-protezzjoni.

3.6

Il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali jifforma parti sensittiva tal-politika tal-asil. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma saħansitra akbar milli fil-każ tal-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fil-veru sens tal-kelma. Jekk lill-protezzjoni nagħtuha importanza akbar, li tiġi riflessa fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied il-prosperità individwali u kollettiva.

3.7

Sabiex il-politika tal-asil tingħata għajnuna sodisfaċenti, l-istituzzjonijiet speċjalizzati, b’mod partikolari l-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, għandu jkollhom setgħat ċari, għandhom jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju adatt għar-responsabbiltajiet tagħhom, u għandhom ikunu jiffunzjonaw b’mod trasparenti li jassigura r-rispett tal-proċeduri u tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. L-appoġġ finanzjarju ta’ istituzzjonijiet effikaċi jista’ joffri eżempju eċċellenti tal-vantaġġi li jirriżultaw minn politika komuni tal-asil ġenwina.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Il-Kumitat jemmen li l-aspetti differenti tal-politika tal-asil huma korelatati. Il-falliment jew is-suċċess tagħha ser jiddependi minn għadd ta’ parametri essenzjali: il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-politiki relatati, it-tisħiħ tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u l-finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet Ewropej inkarigati minn dan il-qasam. Fil-fehma tal-Kumitat, l-ewwel u qabel kollox għandu jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku inġenerali, tas-soċjetà ċivili u tal-gvernijiet tal-Istati Membri f’politika Ewropea komuni tal-asil. Dan l-għan jista’ jintlaħaq billi l-politika tiġi implimentata malajr u billi jinkisbu riżultati konkreti, b’mod partikolari fil-każi li jservu bħala prova.

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-istadji kollha tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali

4.2

Fil-pożizzjonijiet tiegħu, il-Kumitat qatt ma waqaf jenfassiza li fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali hemm bżonn standards komuni u mhux minimi (11). Dawn jassiguraw li jiġu rispettati aktar id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali permezz tal-miżuri li ġejjin:

il-garanzija tal-aċċess għat-territorju,

il-libertà li wieħed jagħżel fejn issir l-applikazzjoni għall-asil u l-protezzjoni,

l-analiżi, l-ewwel nett, tal-istatus konvenzjonali, u t-tieni nett, tal-post tal-protezzjoni sussidjarja, fil-każ biss li l-kundizzjonijiet rikjesti fl-ewwel status ma jiġux sodisfatti,

in-non-refoulement jekk ħajjet l-applikant tkun fil-periklu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew fl-aħħar pajjiż ta’ transitu tiegħu,

is-sospensjoni tal-miżuri ta’ tkeċċija sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti kompetenti, sabiex id-dritt tal-appell isir totalment effettiv, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

il-protezzjoni partikolari meħtieġa għall-minorenni jew minorenni preżunti,

ir-rispett tad-drittijiet individwali tal-persuni u b’mod partikolari tan-nisa li jressqu applikazzjoni għall-protezzjoni.

4.3

Huwa importanti immens li matul il-proċeduri l-persuni li jfittxu l-asil ikunu jistgħu jesprimu ruħhom bil-lingwa materna tagħhom u jibbenefikaw, f’kull stadju, minn assistenza legali mingħajr ħlas.

4.4

It-tiċħid ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi motivata b’mod ċar u għandha tinkludi informazzjoni, l-aktar b’rabta mal-proċedura u l-iskadenza, dwar il-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, il-miżura ta’ tkeċċija għandha tiġi sospiża sakemm jinħareġ ir-riżultat ta’ appell eventwali (12).

4.5

Iż-“żamma – detenzjoni” għandha tintuża biss bħala l-aħħar mekkaniżmu, meta ma jkunx fadal aktar alternattivi, u qatt m’għandha ssir mingħajr id-deċiżjoni ta’ qorti kompetenti, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża, b’konformità mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13). Id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati fil-qafas ta’ proċedura tal-appell.

4.6

Il-Kumitat jenfasizza s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa, li jsibu ħafna aktar diffikultajiet mill-irġiel biex japplikaw għall-asil u jiksbu l-istatus ta’ rifuġjat. Bl-istess mod, jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-minorenni fil-politika tal-asil u jenfasizza li huwa importanti li l-interessi u s-sigurtà tagħhom jitħarsu b’mod effikaċi.

4.7

Il-Kumitat huwa inkwetat minħabba li l-fenomeni marbuta mal-immigrazzjoni u l-asil, bħat-traffiku tal-bnedmin jew l-abbuż, ma jiġux indirizzati b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, speċjalment il-pajjiżi ta’ transitu. Il-pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 ma jistgħux ikunu l-imsieħba tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika tal-asil. Is-suċċess tal-politika tal-asil ma jistax jiġi ggarantit jekk ma jkunx hemm ftehim istituzzjonali sod mal-Istati ta’ transitu, li ħafna drabi jittolleraw il-ksur tad-drittijiet u s-sigurtà tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju.

Solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-interess komuni u tal-qsim tar-responsabbiltajiet

4.8

Minħabba d-disparitajiet li jeżistu fil-livell ta’ kemm l-Istati Membri differenti huma esposti għall-flussi ta’ rifuġjati, xi wħud minnhom għandhom it-tendenza li jirreaġixxu billi japplikaw regoli restrittivi għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Il-politika tal-asil għandha tgħin b’mod effikaċi lil dawn il-pajjiżi sabiex jimmaniġġjaw l-applikanti u, fuq kollox, itejbu l-kontenut tal-protezzjoni. Il-Kumitat jemmen li sabiex din l-għajnuna tingħata, huwa importanti li tiġi prevista proċedura ġdida li tissospendi t-trasferimenti, b’konformità mar-Regolament ta’ Dublin, lejn Stat Membru responsabbli li b’dan il-mod iġarrab pressjoni addizzjonali (14).

4.9

Il-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi li jġarrbu pressjoni bħal din toħloq diversi vantaġġi. L-ewwel nett, tillimita l-moviment sekondarju, minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, jekk l-applikazzjonijiet għall-asil jitqassmu b’mod aktar ekwu, ikun jista’ jiġi mmaniġġjat aħjar il-proċess u tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fi ħdan il-pajjiżi tal-Unjoni.

Armonizzazzjoni effettiva u ffokata fuq it-titjib tal-protezzjoni tal-persuni f’sitwazzjoni ta’ riskju

4.10

It-trattatement tal-applikazzjonijiet għall-asil huwa parti mill-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. F’dan il-qasam, għadhom qed jippersistu tradizzjonijiet differenti minħabba n-nuqqasijiet fl-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet nazzjonali; is-sitwazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tiġi evalwata b’mod li jvarja; wieħed jinnota li fil-livell Ewropew m’hemmx prattiki komuni; il-kapaċitajiet amministrattivi huma differenti; fl-aħħar nett, il-pressjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mhix maqsuma b’mod ugwali mil-lat ġeografiku. Għaldaqstant, il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija mill-varji Stati Membri huma differenti ħafna, u għal din ir-raġuni għadu qed ikun hemm movimenti sekondarji tar-rifuġjati fi ħdan l-UE (15).

4.11

Hemm bżonn li l-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-asil issir fuq bażi komuni. Il-Kumitat kemm-il darba rrakkomanda li jitneħħew il-listi tal-pajjiżi li huma kkunsidrati bħala siguri u li dawn jiġu sostitwiti permezz ta’ sistema li tevalwa f’ħin reali r-riskji li hemm fil-pajjiżi terzi, fuq bażi individwali u fuq bażi kollettiva. Il-mekkaniżmu huwa previst fost il-kompiti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil. Din is-sistema komuni ta’ evalwazzjoni għandha tuża sensiela ta’ definizzjonijiet komuni, filwaqt li tintegra l-aġenziji tal-protezzjoni u l-protezzjoni fit-territorju tal-Istat ikkonċernat.

4.12

Il-Kumitat jemmen li l-aġenziji mhux statali tal-protezzjoni jistgħu jipprovdu servizzi siewja, li kultant ikunu saħansitra indispensabbli f’qasir żmien, l-aktar biex jissolvew il-problemi umanitarji. Madankollu, jaħseb li ma jidhirx li dawn jistgħu jingħataw, anke parzjalment, ir-responsabbiltà li jassiguraw il-protezzjoni tan-nies f’territorju partikolari. Din ir-responsabbiltà tista’ titħalla biss f’idejn strutturi statali. Il-protezzjoni fil-pajjiż hija valida biss meta l-biċċa l-kbira tat-territorju ta’ pajjiż jinsab taħt il-kontroll ta’ poter ċentrali li jkun kapaċi u jkun jixtieq jiggarantixxi l-ordni interna, livell minimu ta’ servizzi pubbliċi u protezzjoni adegwata tad-drittijiet u tas-sigurtà tal-individwi.

4.13

Il-Kumitat jinsab kuntent li l-affarijiet qed jiżviluppaw b’mod li l-kontenut taż-żewġ statuses ta’ protezzjoni (rifuġjati u protezzjoni sussidjarja) isir uniformi. Huwa kemm-il darba ta l-appoġġ tiegħu għal dan l-iżvilupp, li fil-ġejjieni ser jiggarantixxi protezzjoni aktar sħiħa tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju u ser jiżgura li dawn il-persuni jkunu integrati aħjar fl-Istati Membri tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-fatt li dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni qed isiru uniformi m’għandux ikollu l-effett, dirett jew indirett, li jbaxxi l-livell ta’ protezzjoni u l-kwalità tal-kontenut tagħhom (16) iżda għandu jsaħħaħhom.

4.14

Ir-responsabbiltà li għandhom il-gvernijiet nazzjonali fil-ġestjoni tal-politika tal-asil m’għandhiex twassal biex dawn jiżviluppaw prattiki diverġenti għalkollox. Ċerti Stati Membri, bħall-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja, żviluppaw għadd ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam li jistgħu jispiraw miżuri tal-istess tip f’pajjiżi oħra. Ir-rwol tagħhom mhux stmat daqskemm jistħoqqlu: huma jistgħu jindikaw kif il-politika tal-asil tista’ titpoġġa fil-prattika u kif jistgħu jiġu limitati l-ispejjeż tal-esperimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

Protezzjoni internazzjonali b’kontenut aktar sostanzjali

4.15

F’dan il-qasam, il-politiki u l-programmi nazzjonali jvarjaw. Però, din l-istqarrija hija intuwittiva għaliex ma teżisti l-ebda analiżi dettaljata ta’ dawn il-mekkaniżmi fl-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ miżuri antiċipattivi, l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jitlef kull sinifikat u konsegwentement iwassal għal diskriminazzjoni impliċita tal-persuni li jibbenefikaw minn dan l-istatus. Il-KESE jirrakkomanda li t-trejdjunjins u l-korpi ta’ min iħaddem jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-asil fil-livell nazzjonali.

4.16

Il-Kumitat jemmen li dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-ekwivalenza tad-diplomi u l-kwalifiki, kif ukoll dwar miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali (17). Dawn huma passi importanti lejn l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fl-ekonomija u s-soċjetà u lejn it-titjib tal-kwalità ta’ ħajjithom. Fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, huwa importanti li dan jissaħħaħ permezz ta’ miżuri attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u t-tħeġġiġ tal-atturi ekonomiċi.

Tisħiħ u finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-politika tal-asil

4.17

Il-Kumitat jemmen li l-attivitajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil għandhom jieħdu xejra operattiva mill-aktar fis possibbli. Jeħtieġ li bil-baġit tiegħu jkun jista’ jwettaq l-azzjoni tiegħu, kumplessa u intensiva, mil-lat loġistiku. Biex nieħdu eżempju, għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp tas-sistema Ewropea komuni ta’ evalwazzjoni tar-riskju fil-pajjiżi terzi għaliex din hija komponent importanti tal-politika tal-asil. Il-finanzjament adegwat li ser jingħata jista’ jenfasizza l-vantaġġi tal-fatt li jkollna istituzzjonijiet u proċeduri komuni fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li hu jikkoordina l-ħidma tiegħu mal-istrutturi l-oħra tal-UE u, b’mod aktar partikolari, mal-gvernijiet tal-Istati Membri.

4.18

Il-finanzjament tal-elementi differenti tal-politika tal-asil għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat. Hemm lok li dan jikber u jiġi orjentat lejn l-istrumenti li jipproduċu l-aħjar riżultati u jipprovdu għajnuna reali lill-Istati Membri. Is-solidarjetà hija aspett finanzjarju li m’għandux jintesa. Il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, pereżempju, għandu baġit – madwar EUR 5 miljun – li huwa żgħir wisq biex jipprovdi appoġġ siewi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-asil fil-livell Ewropew u nazzjonali.

4.19

Il-KESE jinsab imħasseb dwar sensiela ta’ prattiki tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-aġenzija Frontex fir-rigward tat-tkeċċija tal-persuni li jista’ jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (18). Dawn l-operazzjonijiet, li żdiedu fil-frekwenza u fl-iskala, għandhom iseħħu f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza sħiħa u ta’ responsabbiltà assunta bis-sħiħ (19). Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jaħdmu flimkien sabiex jiġi evitat li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem. It-tkeċċija ta’ persuni lejn pajjiżi jew żoni fejn is-sigurtà tagħhom hija mhedda tirrappreżenta ksur ċar tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

4.20

Il-KESE jemmen (20) li jeħtieġ isir sforz għat-taħriġ tal-persunal tal-Frontex bil-għan li jittejbu l-punti li ġejjin:

koordinazzjoni aħjar tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri,

tfassil ta’ standards komuni fil-qasam tat-taħriġ,

l-għoti tal-appoġġ neċessarju għall-organizzazzjoni tal-akkoljenza u r-ripatrijazzjoni lill-Istati, bil-għajnuna tal-medjaturi kulturali,

il-preparazzjoni tal-uffiċjali fil-qasam tal-liġi umanitarja tal-asil stabbilita mill-UE.

4.21

Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-qasam tal-politika tal-asil, flimkien mal-iżvilupp istituzzjonali, jiġu integrati aktar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-andament operattiv. Jekk dawn jiġu assoċjati b’dan il-mod, terġa’ tiżdied il-kredibbiltà tal-politika komuni filwaqt li jsir kontribut biex jittejbu b’mod sostenibbli l-istrumenti użati.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Wieħed jista’ jsemmi, pereżempju, ir-riskji marbuta mad-degradazzjoni tal-ambjent u mal-kunflitti li jirriżultaw minnha.

(2)  Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.

(3)  Rapport tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Futur tal-Politika tal-Affarijiet Interni “Liberty, Security, Privacy: European Home Affairs in an Open World” (Il-Libertà, is-Sigurtà, il-Ħajja Privata: l-Affarijiet Interni Ewropej f’Dinja Miftuħa), Ġunju 2008.

(4)  COM(2009) 262.

(5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80.

(6)  ĠU C 204, 9 ta’ Awwissu 2008, p. 77.

(7)  ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009, p. 78.

(8)  COM(2008) 360 finali.

(9)  COM(2008) 815 finali; COM(2008) 820 finali; COM(2008) 825 finali.

(10)  COM(2009) 66 finali.

(11)  ĠU C 204, 9 ta’ Awwissu 2008, p. 77; ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009, p. 78.

(12)  Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) – (COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD), relatur: is-Sur Pezzini).

(13)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110.

(14)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 115.

(15)  ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009.

(16)  Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (tfassil mill-ġdid) (COM(2009) 551 finali/2 – 2009/0164 (COD), relatur: is-Sur Pîrvulescu).

(17)  Idem.

(18)  Ara r-rapport tal-Human Rights Watch (HRW) intitolat: “Pushed Back, Pushed Around, Italy’s Forced Return of Boat Migrants and Asylum Seekers, Libya’s Mistreatment of Migrants and Asylum Seekers” (Mibgħuta lura u mhedda: L-Italja tibgħat lura bil-forza d-dgħajjes tal-migranti u dawk li jfittxu l-asil, u l-Libja tittrattahom ħażin), Human Rights Watch 2009.

(19)  Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li l-andament tal-proċeduri f’dan il-qasam isir trasparenti.

(20)  Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) – (COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD), relatur: is-Sur Pezzini).


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/04

Relatur ġenerali: is-Sur OLSSON

F’ittra tat-28 ta' April 2010, skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Laurette Onkelinx, il-Viċi Prim Ministru Belġjana u Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex, f’isem il-Presidenza Belġjana futura, ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020.

Fil-25 ta' Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (laqgħa tal-15 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Jan Olsson bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’61 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Presidenza Belġjana li tagħmel użu mill-klawżola soċjali orizzontali u minn Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) imsaħħaħ, peress li din tenfasizza l-fatt li l-koeżjoni soċjali trid iżomm il-pass mal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, sabiex jinkisbu l-miri kollha li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2

Huwa essenzjali li jkun hemm parteċipazzjoni vera mis-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha sabiex jiġi assigurat l-użu effettiv tal-klawżola orizzontali u l-MMK. Il-KESE jipproponi li kull sena l-Kummissjoni tħejji “rapport ta' governanza” dwar din il-parteċipazzjoni. Il-KESE jista’ jgħin f’dan ir-rigward u jissuġġerixxi wkoll li l-proġetti piloti għall-parteċipazzjoni jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS. Barra minn hekk, il-Kumitat jipproponi Kodiċi ta' prattika tajba għall-governanza parteċipattiva tal-MMK.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjoni bejn il-miri u l-politiki kollha. Din għandha tkun il-linja gwida bażi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali u l-MMK. Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-koordinazzjoni, assistita mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat għall-Impjieg. Iż-żewġ kumitati għandhom ikunu miftuħin għal rappreżentanti minn partijiet interessati esterni.

1.4

L-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali trid tkun effiċjenti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u dik tal-impjieg, jiġu ppubblikati u jiddaħħlu fil-proċess tal-MMK. L-enfasi għandha tkun fuq l-effetti tal-impjiegi, in-numru ta' persuni li jgħixu fil-faqar u r-riskji soċjali.

1.5

Il-KESE jappoġġja MMK imsaħħaħ, sabiex l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb minħabba l-kriżi attwali. Il-MMK irid ikollu dimensjoni aktar lokali, u b’hekk ikun marbut ukoll ma' azzjonijiet immirati mwettqa taħt il-patroċinju tal-Fond Soċjali Ewropew. Ir-reviżjonijiet minn pari (peer reviews) ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku għandhom iwasslu għal pjani ta' direzzjoni nazzjonali għall-koeżjoni soċjali. L-indikaturi għandhom jiffukaw ukoll fuq kriterji kwalitattivi dwar il-benessri. Il-KESE jappoġġja l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar, iżda jaħseb li l-MMK u l-klawżola orrizontali wkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn.

2.   Kuntest

2.1

Il-Presidenza Belġjana tal-UE talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar kif il-koeżjoni soċjali Ewropea tista’ titwassal permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, liema rwol prattiku tista’ taqdi l-klawżola soċjali orizzontali fid-dimensjoni soċjali tal-politiki Ewropej, u kif dan ir-rwol jista’ jiġi implimentat?

2.2

L-opinjoni ser jikkontribwixxi għall-konferenza organizzata mill-Presidenza Belġjana li ser tinżamm fl-14 u l-15 ta' Settembru 2010 dwar “Il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020”.

2.3

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-bżonn li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. Tissuġġerixxi li “... il-Kumitat Ekonomikuu Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib”.

2.4

Sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju ddefinixxa ħames miri importanti (ir-rata tal-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-gassijiet b’effett ta' serra, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali) u kkonkluda li dawn huma korelatati u jappoġġjaw lil xulxin. Il-bażi għal “governanza ekonomika aktar b’saħħitha” tqiegħdet billi ngħatat prijorità lill-“koordinazzjoni msaħħa ta' politika ekonomika”. Sabiexi l-miri jiġu implimentati b’suċċess essenzjalment hemm bżonn ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ effiċjenti. Il-Kunsill qabel dwar l-għan li 20 miljun persuna jitneħħew mir-riskju tal-faqar, filwaqt li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom għal tal-inqas wieħed mit-tliet indikaturi: f’riskju ta' faqar, deprivazzjoni materjali u djar mingħajr impjieg.

2.5

L-Ewropa 2020 tirreferi għal taħlita ta' miżuri fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali biex jinkiseb “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. Għaxar linji gwida intergrati għall-politiki ekonomiċi u ta' impjieg jappoġġjaw il-ħames miri prinċipali, filwaqt li għandhom jitniedu seba’ inizjattivi ewlenin. L-Istati Membri ser jistabbilixxu miri nazzjonali u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u ser iħejju wkoll Programmi ta' Riforma Nazzjonali (PRN).

2.6

Il-“klawżola soċjali” orizzontali (Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) ġiet inkluża fit-Trattat ta' Lisbona u tgħid li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”.

2.7

Din torbot mal-klawżoli orizzontali l-oħra tat-Trattat (Artikoli 8, 10, 11 u 12 tat-TFUE): l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi, li kienu ġew introdotti bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-anti-diskriminazzjoni, li ffurmat parti mit-Trattat ta' Lisbona.

2.8

Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) ġie definit bħala strument tal-Istrateġija ta' Lisbona fl-2000. Fil-qosor, il-Kunsill jistabbilixxi l-objettivi, li jiġu segwiti b’pjani ta' azzjoni nazzjonali u bi programmi ta' riforma, filwaqt li l-progress jitkejjel b’analiżi komparattiva, indikaturi, reviżjonijiet minn pari u skambju tal-aħjar prattika. Il-mudell tal-MMK għandu wkoll bażi legali għal ċerti oqsma ta' politika fit-Trattat ta' Lisbona (Artikoli 149, 153, 156, 168, 173 u 181 tat-TFUE).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Sabiex toħroġ mill-kriżi ekonomika u soċjali profonda attwali, l-Ewropa riesqa lejn koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. Il-KESE jenfasizza li, jekk irridu niksbu l-għanijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-progress soċjali jrid jimxi pari passu mar-riformi ekonomiċi. Għalhekk huwa assolutament neċessarju li tinħoloq rabta bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Istrateġija. Il-politiki integrati li jsaħħu lil xulxin ser jeħtieġu li l-istrumenti kollha jkunu kkontrollati, ikkoordinati u msaħħa.

3.2

B’dan l-isfond, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Belġjana qiegħda tiffoka fuq il-governanza u l-koeżjoni soċjali billi tenfasizza l-klawżola soċjali orizzontali u MMK aktar b’saħħtu. Dan l-approċċ għandu jinżamm fuq perijodu fit-tul. Il-Kumitat iħeġġeġ bi sħiħ lill-Gvern Ungeriż sabiex din il-kwistjoni jagħmilha prijorità matul il-Presidenza tiegħu li ġejja.

3.3

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll, madankollu, li għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hekk kif jissaħħu l-istrumenti mfassla biex jinkiseb progress soċjali.

3.4

Il-KESE konsistentement enfasizza li l-parteċipazzjoni vera miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha tal-proċess hija parti indispensabbli tal-governanza. Għandu jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi ekonomiċi u soċjali mal-imsieħba soċjali u partijiet oħra rilevanti, u b’hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet li jinkisbu l-miri prinċipali.

3.5

Il-KESE jenfasizza li huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu involuti mill-qrib meta jiġu stabbiliti l-miri nazzjonali u jitfasslu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali kif ukoll biex jissaħħaħ l-MMK u tiġi implimentata l-klawżola soċjali orizzontali. Il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom jitqiesu wkoll meta l-Kummissjoni u l-Kunsill jivvalidaw il-miri u jevalwaw il-progress.

3.6

L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fil-livelli territorjali kollha. Approċċ minn isfel għal fuq għandu jinteraġġixxi ma' inizjattivi tal-UE minn l-ogħla livell meta jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki soċjali tal-UE. Għalhekk, is-soċjetà ċivili organizzata għandha tibni sħubijiet reali u effiċjenti mal-parlamenti/awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġu stabbiliti miri u jitfissru miżuri ta' politika adegwati. Dan jorbot mal-implimentazzjoni effiċjenti tal-prinċipju tas-sħubija li għandu jiggwida l-użu u l-allokazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE fil-futur, u b’hekk jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Fond Soċjali Ewopew (FSE) (1).

3.7

Il-KESE jiffavorixxi wkoll l-involviment attiv tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u organizzazzjonijiet simili.

3.8

Il-KESE jipproponi li, flimkien mar-rapport ta' progress annwali dwar il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma fl-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji “rapport ta' governanza” ibbażat fuq il-governanza parteċipattiva tal-MMK u l-klawżola soċjali orizzontali, li dwarhom għandhom jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-KESE u l-KtR. Il-KESE jista’ juża n-netwerk tiegħu ta' KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili biex jimmonitorja l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata u jista’ wkoll jippubblika r-rapporti tiegħu.

3.9

Hemm bżonn qawwi ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjonijiet reċiproċi bejn il-miri prinċipali, il-linji gwida integrati u l-inizjattivi ewlenin. Il-Kummissjoni għandha rwol strateġikament importanti biex tmexxi din “il-koordinazzjoni ta' koordinazzjoni”. Il-linji gwida integrati għandhom jiġu “integrati” fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri li l-politiki kollha jridu jkunu koerenti u ffokati fuq il-miri kollha. Integrazzjoni bħal din għandha tkun il-linja gwida globali meta jiġu introdotti mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali u jissaħħaħ l-MMK. Sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn iż-żewġ strumenti, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-MMK.

3.10

Għalhekk il-KESE jappoġġja bi sħiħ il-proposta mressqa fil-21 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (KPS) għall-Istrateġija Ewropea l-ġdida (2). Il-KPS jixtieq li l-klawżola soċjali orizzontali tiddaħħal fil-preambolu tal-linji gwida ta' politika ekonomika. Bla dubju valutazzjoni tematika u rappurtar tal-progress dwar id-dimensjoni soċjali tagħha huma komponent neċessarju tal-viżjoni integrata tal-Ewropa 2020.

3.11

Il-KESE japprezza l-ħidma mwettqa mill-KPS u l-Kumitat għall-Impjieg (EMCO) u jikkunsidra li r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ fl-istess waqt li jissaħħu l-istrumenti mfasslin biex tinkiseb id-dimensjoni soċjali. Il-KESE jissuġġerixxi li m’għandhomx ikunu biss il-gvernijiet li jkunu rappreżentati fil-Kumitati iżda wkoll l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jipproponi li l-Kumitati jżommu laqgħat b’mod aktar regolari, ma' rappreżentanti ta' dawn il-partijiet interessati kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-Gvern fi ħdan il-KPS u l-EMCO għandhom responsabbiltà wkoll li jorganizzaw kif ukoll jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u l-partijiet rilveanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

3.12

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni fost iċ-ċittadini, il-ħaddiema, in-negozji u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom. L-inizjattiva tal-Kummissjoni li tara x’realtajiet soċjali jeżistu tista’ sservi bħala mudell u tkun organizzata fuq bażi aktar permanenti li tilħaq ukoll il-livell lokali. Madankollu, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu proattivi huma stess dwar kif għandhom jintużaw il-klawżola soċjali orizzontali u l-MMK. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-proġetti piloti għal dan il-għan jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-klawżola soċjali orizzontali

4.1

L-effetti tal-klawżoli orizzontali dwar l-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni tal-konsumaturi, stabbiliti aktar minn 10 snin ilu fit-Trattat, huma primarjament informali.

4.2

Il-KESE jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali huma parti essenzjali biex tiġi mmonitorjata l-Istrateġija Ewropa 2020, u li għandhom jipprovdu mekkaniżmi effettivi biex jiġu evalwati r-riskji soċjali, jiġu ppubblikati u jkunu miftuħin għal diskussjoni pubblika. Il-KESE jixtieq jenfasizza li b’mod partikulari għandhom jiġu vvalutati l-effetti fuq l-impjieg u n-numru ta' persuni li jgħixu f’riskju ta' faqar.

4.3

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva, assistita mill-KPS u l-EMCO. L-imsieħba soċjali Ewropej u l-partijiet rilevanti prinċipali l-oħra għandhom jiġu involuti b’mod attiv. Il-fehmiet tagħhom għandhom jiġu ppubblikati (mehmużin) flimkien mal-valutazzjonijiet. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni diġà stabbilixxiet mekkaniżmi għall-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali permezz tal-Valutazzjoni Integrata tal-Impatt, iżda l-viżibilità u l-użu tagħhom għandhom ma ġewx definiti sew.

4.4

Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi assigurat li l-politika ekonomika u l-konsolidazzjoni baġitarja għandhom iwasslu għal aktar impjiegi, inqas persuni li jgħixu fil-faqar u titjib fid-drittijiet soċjali. Għalhekk, il-valutazzjonijiet soċjali b’mod partikulari għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg. Barra minn hekk, jekk ikun il-bżonn għandhom jiġu evalwati miżuri oħra li jittieħdu biex jinkisbu l-ħames miri prinċipali.

4.5

Il-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali għandhom isiru wkoll fil-livell nazzjonali u reġjonali.

4.6

Rapport inizjali għandu jkun lest sa Diċembru 2010 sabiex jintuża għall-ewwel reviżjoni annwali tal-Ewropa 2020.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-MMK.

5.1

Il-KESE ta' spiss ikkritika l-MMK peress li ma tax ir-riżultati mistennija, mhux effettiv, huwa inviżibbli fil-livell nazzjonali u ma jinvolvix biżżejjed lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

5.2

Min-naħa l-oħra ġie innutat titjib, partikularment fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-KESE, f’diversi Opinjonijiet, wera l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tal-MMK f’oqsma ġodda ta' politika (pereżempju s-saħħa, il-politika taż-żgħażagħ, l-isfidi demografiċi, l-immigrazzjoni u l-asil).

5.3

Il-KESE jemmen bi sħiħ li fil-kriżi attwali, l-MMK għandu jissaħħaħ sabiex ikun assigurat li l-politiki ta' protezzjoni soċjali u ta' inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb.

5.4

Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-twaqqif ta' “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar bħala strument li jsaħħaħ l-impenn tan-negozji, il-ħaddiema u l-pubbliku inġenerali sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri prattiċi. Il-Pjattaforma u l-MMK ser ikunu ta' benefiċċju għal xulxin. Madankollu, il-KESE jqis li l-MMK jista’ jgħin ukoll fl-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn, b’mod partikulari jekk ikunu appoġġjati mill-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali tal-klawżola orizzontali.

5.5

Il-KESE ssuġġerixxa li l-MMK għandu jissaħħaħ billi jiġu stabbiliti miri vinkolanti fil-livell tal-Istat Membru sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020. Din il-fehma hija enfasizzata f’diversi Opinjonijiet tal-KESE, bħal pereżempju fl-aktar opinjoni reċenti dwar il-linji gwida tal-impjiegi (3), li titlob għal miri aktar ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu dwar l-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, appoġġjati minn koordinazzjoni aħjar tal-politiki. Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-talba li saret fil-Konferenza Biennali tagħha f’Firenze biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi indikaturi speċifiċi biex jitkejjel l-impatt tal-edukazzjoni bikrija fuq it-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali aktar tard fil-ħajja.

5.6

Madankollu, il-KESE jenfasizza li meta l-Istat Membru huwa ħieles li jagħżel l-aktar indikaturi adegwati (ara l-punt 2.4 hawn fuq), il-MMK għandu jsegwi billi jipproċedi għal analiżi komparattiva tal-indikaturi rilevanti kollha. Stat Membru m’għandux jitħalla jevita objettivi prinċipali tal-UE. Fil-fehma tal-KESE, in-numru ta' persuni f’riskju ta' faqar, imkejjel bl-indikatur ta' dħul relattiv (4), huwa rilevanti għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri nazzjonali fuq il-bażi ta' djalogu parteċipattiv ġenwin mal-partijiet interessati.

5.7

Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm inċentivi aħjar biex l-Istati Membri jkomplu bl-impenji tagħhom, pereżempju permezz ta' rabta ċara għall-allokazzjonijiet fi ħdan il-FSE. Dan l-approċċ jissaħħaħ kieku l-programmi operattivi tal-FSE jiffokaw ħafna aktar fuq l-inklużjoni soċjali, appoġġjati bi sħubija effiċjenti mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.8

L-MMK għandu jkollu dimensjoni aktar lokali, waqt li jistabbilixxi pjani ta' azzjoni lokali u reġjonali flimkien mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali, u b’hekk jirrifletti l-approċċ parteċipattiv mill-aktar livell baxx u l-koordinazzjoni tal-imsieħba u l-politiki, anke bl-appoġġ mill-fondi strutturali. Id-deċentralizzazzjoni tal-metodu b’dan il-mod ser iżid il-profil tal-integrazzjoni tal-politika, li tant hemm bżonnu.

5.9

Il-KESE jemmen bi sħiħ li għandu jkun hemm livell ta' referenza għall-governanza parteċipattiva tal-MMK – b’mod partikulari l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata – ibbażata fuq indikaturi, reviżjonijiet mill-pari, tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika. Il-KESE jipproponi li din it-tip ta' referenza titfassal bħala Kodiċi ta' prattika tajba mill-Kummissjoni u mill-KPS, flimkien mal-partijiet interessati prinċipali Ewropej. Tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin (5):

struttura ta' djalogu;

il-partijiet interessati rilevanti kollha għandhom jieħdu sehem

tip ta' djalogu – għandha titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ġenwina u mhux biss l-informazzjoni u l-konsultazzjoni

l-involviment ta' livell reġjonali/lokali permezz ta' pjani ta' azzjoni parteċipattiva, eċċ.

parteċipazzjoni tal-KES nazzjonali

involviment f’waqtu tal-partijiet interessati fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta' politika

ir-riżultat iddokumentat tad-djalogu

stabbiliment ta' miri nazzjonali/reġjonali

stabbiliment u segwitu tal-indikaturi

parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fir-reviżjonijiet mill-pari, tagħlim reċiproku u identifikazzjoni tal-aħjar prattika

parteċipazzjoni mill-partijiet interessati fil-miżuri prattiċi biex jiġu promossi l-impjieg u l-inklużjoni soċjali.

5.10

Għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-proposti bbażati fuq “prinċipji komuni” u l-MMK. Il-prinċipji komuni huma rakkomandazzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri u pereżempju jkunu ntużaw fil-politiki tal-UE għall-istrateġiji tematiċi dwar il-flessigurtà, l-inklużjoni attiva u t-tixjiħ attiv.

5.11

Ir-riżultat tal-MMK eventwalment għandu jwassal għal proposti għall-użu ta' strumenti oħra, bħall-“kooperazzjoni msaħħa” bejn l-Istati Membri, l-użu tal-metodi komunitarji u oħrajn.

5.12

Il-KESE jenfasizza li l-indikaturi għandhom imorru lil hinn mill-prestazzjoni ekonomika, billi jidentifikaw ukoll l-indikaturi ta' benessri soċjetali kif proposti mill-Kummissjoni Stiglitz (6). Preċedentement, il-KESE identifika indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-politika soċjali, pereżempju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg taż-żgħażagħ, il-“ħaddiema fqar”, il-persuni b’diżabbiltà, l-impjiegi ta' kwalità, il-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ, id-distribuzzjoni tad-dħul finanzjarju, is-sistemi tal-pagi minimi/dħul minimu, u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Ġie ssuġġerit ukoll indikatur prattiku tal-“kwalità tal-ħajja” li jkopri sitt sferi differenti (7). Ġew proposti wkoll indikaturi kwalitattivi li jkejlu l-aċċessibbiltà u l-kwalità meta mqabbla mal-istennijiet tal-persuni, l-involviment tal-utenti u kemm huma faċli biex tużahom.

5.13

Filwaqt li l-indikaturi jridu jiġu stabbiliti fil-livelli Ewropew, nazzjonali u reġjonali, il-KESE jenfasizza li l-partijiet interessati għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fit-tfassil u l-evalwazzjoni tagħhom.

5.14

Il-KESE jemmen li huwa importanti għall-Istati Membri li jħejju rapport dwar il-progress lejn kull mira bl-użu ta' indikaturi Ewropej komparabbli iżda li jistgħu jiġu riveduti, kemm għall-ħolqien ta' tabella kif suġġerit fir-rapport KoK (8) kif ukoll biex jintużaw bħala għodda dijanostika għat-titjib u awtokorrezzjoni minn parteċipanti nazzjonali u lokali.

5.15

Is-sistemi effiċjenti għat-tagħlim reċiproku u t-trasferiment tal-aħjar prattika kif ukoll l-isfruttament tal-miżuri leġislattivi għandhom jinvolvu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Peress li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra tas-soċjetà ċivili jħaddnu għarfien uniku u esperjenza estensiva tal-politiki soċjali u tal-impjieg, għandhom ikunu involuti fl-identifikar u l-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet li jiġu trasferiti l-aħjar prattika, speċjalment il-miżuri innovattivi.

5.16

Ir-reviżjonijiet mill-pari tal-Istati Membri għandhom jissaħħu billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra. Ir-reviżjonijiet ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku u l-aħjar prattika għandhom iwasslu għar-rakkomandazzjonijiet pubbliċi lill-Istati Membri, u jiġi propost pjan ta' direzzjoni għall-koeżjoni soċjali.

Brussell, 15 ta' Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ECO/258, “Sħubijiet effikaċi fil-politika ta' koeżjoni”, relatur: is-Sur Olsson.

(2)  Kunsill 9964/10.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-27.5.2010 dwar Linji gwida dwar l-impjiegi, relatur ġenerali: is-Sur Greif, CESE 763/2010.

(4)  Fejn il-linja tal-faqar titfisser bħala dħul inqas minn 60 % tad-dħul medjan.

(5)  Ara wkoll pereżempju “EU Policy Coordination Beyond 2010: Towards a New Governance Structure” (Il-Koordinazzjoni tal-Politika tal-UE wara l-2010: Lejn Struttura Ġdida ta' Governanza) ta' Jonathan Zeitlin.

(6)  Il-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-22.10.2008 dwar Lil hinn mill-PGD – indikaturi għal żvilupp sostenibbli, relatur: is-Sur Siecker, (ĠU C 100, 30.4.2009, pp. 53-59).

(8)  “Niffaċċjaw l-Isfida, L-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi”, rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli presjedut minn Wim Kok, Novembru 2004.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali”

2011/C 44/05

Relatur ġenerali: is-Sur VERBOVEN

F’ittra tad-29 ta’ April 2010, f’isem il-Presidenza futura Belġjana u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Laurette ONKELINX, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali.

Nhar il-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010) li jaħtar lis-Sur Xavier VERBOVEN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’66 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kwistjoni tal-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali ser tiġi indirizzata f’konferenza speċifika fil-qafas tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat jagħraf li l-protezzjoni soċjali hija għodda importanti għat-tqassim mill-ġdid, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà li għandha tkun fil-qofol tal-iżvilupp tal-proġett Ewropew. Id-drittijiet soċjali fundamentali jiggarantixxu b’mod partikolari l-aċċess għal dħul soċjali adegwat meta individwu jisfa vittma ta’ ċerti riskji soċjali jew għal għajnuna soċjali u akkomodazzjoni għal dawk kollha li m’għandhomx biżżejjed riżorsi. Il-KESE jfakkar li, fit-30 ta’ Novembru 2009, huwa adotta dikjarazzjoni fejn talab lill-Kummissjoni timplimenta programm ta’ azzjoni soċjali (1) biex jiġi garantit li d-drittijiet soċjali fundamentali jiġu ttrattati bl-istess mod bħar-regoli ta’ kompetizzjoni u l-libertajiet ekonomiċi.

1.2   Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol tal-fattur produttiv tal-politika soċjali. Ifakkar mill-ġdid li jekk ikunu mfassla b’mod adatt, il-politiki soċjali u l-politiki tas-suq tax-xogħol jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali kif ukoll tal-effiċjenza u l-produttività ekonomika. Il-mudell soċjali Ewropew huwa bbażat fuq koerenza tajba bejn effiċjenza ekonomika u progress soċjali (2). Is-sħubija taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew tiddependi minn kemm ikunu effiċjenti l-politiki implimentati f’dawn l-oqsma differenti. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata l-importanza tar-rwol li taqdi l-protezzjoni soċjali bħala stabilizzatur ekonomiku f’perijodi tajbin kif ukoll ħżiena taċ-ċiklu ekonomiku (3).

1.3   Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi aktar minn qatt qabel il-bżonn ta’ strateġija Ewropea ambizzjuża għall-2020. Din l-istrateġija l-ġdida – li ġiet definita mill-Kummissjoni (4) u li għadha kif ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 u għandha tiġi adottata formalment mill-Parlament f’Settembru ta’ din is-sena – tindirizza erba’ oqsma: l-għarfien u l-innovazzjoni, ekonomija aktar sostenibbli, it-titjib tal-livelli ta’ impjieg u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappoġġja din il-viżjoni multidimensjonali li għandha l-għan li tappoġġja tkabbir “intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” iżda jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti nuqqasijiet li ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010” ma ntlaqgħux. B’mod partikolari, għandhom jitfassslu “l-linji gwida tiegħu b’għanijiet li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fejn jidħlu impjiegi li ma jipprovdux ħarsien soċjali adegwat, it-transizzjoni lejn ekonomija li tuża livell baxx tal-karbonju, il-ġlieda kontra l-faqar (inklużi dawk li jbatu l-faqar minkejja li għandhom xogħol) u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali (pereżempju appoġġ adegwat fil-każ ta’ qgħad jew fejn bniedem ma jistax jaħdem, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi pubbliċi)” (5).

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi linja gwida li tikkonċerna speċifikament l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar bl-objettiv li tal-anqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fir-riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni (6). Fid-dawl tal-fatt li l-2010 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar, huwa indispensabbli li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-persuni kkonċernati jingħataw għajnuna biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ faqar.

1.5   Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-aqwa mezz kontra l-esklużjoni huwa l-aċċess għal impjieg dejjiemi, ta’ kwalità u bi ħlas xieraq. Għandhom jiġu adottati miżuri strutturali għat-titjib bil-għan li jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv (7). Il-KESE jfakkar li, fid-9 ta’ Diċembru 2009, fil-kuntest tad-djalogu soċjali, ġie konkluż ftehim qafas għal suq tax-xogħol inklużiv. Dan il-ftehim qafas juri biċ-ċar ir-rieda tal-imsieħba soċjali biex jippromovu s-swieq inklużivi tax-xogħol, jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa, iżidu r-rata tal-impjiegi, itejbu l-kwalità tal-impjieg, inklużi t-taħriġ u l-iżvilupp tal-kompetenzi.

1.6   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Parlament Ewropew ippreżentata fir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (8), b’mod partikolari “billi l-inklużjoni attiva ma tistax tieħu post l-inklużjoni soċjali, peress li gruppi vulnerabbli li mhumiex kapaċi jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għandhom id-dritt li jgħixu b’dinjità u li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, u għalhekk, għandu jkun hemm dħul minimu u servizzi soċjali aċċessibbli, bi prezz deċenti u ta’ kwalità għolja, indipendentement minn jekk persuna tistax tieħu sehem fis-suq tax-xogħol jew le”.

1.7   Il-KESE jfakkar li, fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 1989 dwar il-faqar (9), huwa rrakkomanda li jiġi stabbilit minimu soċjali maħsub kemm bħala xibka ta’ sigurtà għall-foqra kif ukoll bħala lieva meħtieġa biex dawn jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Jiddispjaċih li din l-opinjoni kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni dwar riżorsi u benefiċċji biżżejjed fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (10) s’issa għadhom ma ngħatawx segwitu adatt. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li l-introduzzjoni gradwali ta’ garanzija ta’ riżorsi u ta’ benefiċċji fil-qafas tal-protezzjoni soċjali għandha tiġi maħsuba permezz ta’ strument ġdid li jappoġġja b’mod aktar effikaċi l-politiki dwar il-ġlieda kontra l-faqar f’bosta Stati Membri filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Minn dan il-lat, l-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa lieva importanti.

1.8   Fir-rigward tal-benefiċċji soċjali ta’ sostituzzjoni, il-KESE jenfasizza li attwalment mhux kollha qed jingħataw attenzjoni partikolari fil-qafas tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) għall-protezzjoni soċjali. Permezz tad-definizzjoni ta’ objettivi u ta’ indikaturi komuni kif ukoll tal-iskambju ta’ prattiki tajba, dan il-metodu għandu l-għan li jirriforma s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fil-perijodu fit-tul. Jidher li dan il-proċess importanti ma jqisx il-benefiċċji tal-qgħad, tal-inkapaċità għax-xogħol, tal-maternità u l-benefiċċji għal persuni b’diżabbiltà, għall-vittmi ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol jew ta’ mard ikkawżat mix-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda li l-azzjoni tal-MMK għall-protezzjoni soċjali tiġi estiża biex tinkludi l-benefiċċji kollha ta’ sostituzzjoni tad-dħul. Jirrakkomanda b’mod partikolari li jsir monitoraġġ biex jiġi analizzat il-livell adatt tal-benefiċċji mogħtija.

1.9   Il-KESE jfakkar li l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tirrikjedi bilanċ effikaċi bejn, minn naħa, l-inċentivi mmirati lejn żieda fil-provvista tal-ħaddiema u, minn naħa oħra, il-miżuri li jiżguraw protezzjoni soċjali adatta billi jiggarantixxu infiq effiċjenti f’dan il-qasam. Fir-rigward tal-ewwel aspett, jixtieq jispeċifika li d-dħul m’għandux ikun l-uniku element li jitqies. Fatturi oħra, bħal pereżempju d-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal, il-miżuri li jittieħdu għall-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, l-infrastrutturi għall-għoti ta’ impjieg lil dawk li jinsabu bla xogħol, għat-taħriġ, it-tagħlim u s-saħħa pubblika, għandhom rwol importanti x’jaqdu (11). Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza mill-ġdid ir-rieda tiegħu li jsaħħaħ il-MMK billi jimplimenta objettivi li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rati ta’ sostituzzjoni jew ta’ kopertura, iżda wkoll ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi (12). Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li fil-qafas tal-MMK għall-potezzjoni soċjali m’hemmx enfasi speċifika fuq il-ġeneralizzazzjoni tas-sistemi ta’ attivazzjoni. Huwa jirrakkomanda li jitfassal rapport fil-qafas tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali bil-għan li jiġi analizzat jekk dawn il-miżuri ta’ attivazzjoni humiex tassew il-frott ta’ bilanċ bejn il-valuri ta’ solidarjetà, ta’ responsabbiltà u ta’ koeżjoni.

1.10   Il-KESE jixtieq jinsisti fuq ir-rwol essenzjali li jistgħu jaqdu r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali f’kull kwistjoni marbuta mal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali kif ukoll mat-tisħiħ tal-MMK bħala proċess demokratiku.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1   Il-protezzjoni soċjali hija għodda importanti għat-tqassim mill-ġdid u s-solidarjetà, u l-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħha huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Peress li hija mfassla b’mod speċifiku f’kull Stat Membru, hija kkaratterizzata minn diversità kbira ħafna ta’ sistemi. Tinsab fil-qofol tal-proġett Ewropew kif stipulat fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (13) u l-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (14) jirrikonoxxi u jirrispetta:

minn naħa, id-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f’każijiet ta’ maternità, mard, inċidenti fil-post tax-xogħol, dipendenza, xjuħija u telf tax-xogħol;

minn naħa oħra, id-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, maħsuba sabiex jiżguraw eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti.

2.2   Barra milli tiggarantixxi dħul adegwat għal dawk li m’għandhomx impjieg attiv jew meta jinqalgħu ċerti riskji soċjali, il-protezzjoni soċjali għandha wkoll taqdi rwol attiv biex tappoġġja l-proċess ta’ transizzjoni professjonali, b’mod partikolari bil-għan li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tirnexxi.

2.3   Fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja tal-2008, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali mhux biss ipproteġew lill-Ewropej mill-aktar konsegwenzi gravi tal-kriżi finanzjarja iżda wkoll kellhom rwol kontraċikliku ta’ stabilizzatur ekonomiku (15). Fin-nuqqas ta’ politiki ambizzjużi ta’ konverġenza, dawn is-sistemi jistgħu jitqiegħdu f’periklu b’mod partikolari permezz ta’ prattiki ta’ kompetizzjoni żviluppati minn ċerti Stati Membri li għalihom it-tnaqqis tal-infiq soċjali huwa lieva biex jiġbdu l-investiment ta’ kapital barrani. Dan il-proċess, li diġà huwa realtà fil-livell fiskali u dak tal-pagi, għandu tendenza jiżviluppa fil-livell soċjali (16).

2.4   Lejlet l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020, jeħtieġ li jitfakkar li t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu koeżjoni soċjali mtejba. L-inugwaljanzi sikwit komplew jiżdiedu tul dawn l-aħħar għaxar snin u l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom problema ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE (17). Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn il-fenomeni jiġu miġġielda permezz ta’ politiki li ma jkunux essenzjalment reattivi jew marbutin mal-kumpens iżda li jkunu wkoll preventivi u proattivi biex tittieħed azzjoni minn stadju bikri kontra s-sitwazzjonijiet ta’ faqar. Ta’ min isemmi b’mod partikolari l-fenomenu tal-faqar fost it-tfal li jista’ jkun deċiżiv għal aktar żvilupp tul il-ħajja tal-persuni kkonċernati.

2.5   Illum il-protezzjoni soċjali b’mod ġenerali u l-benefiċċji soċjali b’mod partikolari qed jiffaċċjaw erba’ sfidi ewlenin:

il-konsegwenzi tal-kriżi u, minn naħa, iż-żieda fl-ispejjeż tal-qgħad minħabba l-ħafna telf ta’ impjiegi u, minn naħa oħra, il-piż fuq il-finanzi pubbliċi li din iż-żieda ġġib magħha. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-individwi jinqabdu qiegħda għal perijodu twil, it-titjib u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jissoktaw bil-għan li jiġi offrut qafas attiv u sigur li jiggarantixxi l-aċċess għal u r-ritorn lejn impjieg ta’ kwalità filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi;

il-fenomenu tat-tixjiħ tal-popolazzjoni li ser ikollu impatt importanti fuq il-pensjonijiet u s-settur tal-kura tas-saħħa. Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet timplika l-ħtieġa li jiġu żgurati pensjonijiet ta’ livell adegwat u investiment fil-ħtiġijiet marbuta ma’ dan il-fenomenu, b’mod partikolari l-appoġġ għad-dipendenza;

iż-żieda inaċċettabbli fil-faqar u l-inugwaljanzi. L-objettivi ta’ tnaqqis tal-faqar stabbiliti fl-Istrateġija ġdida Ewropa 2020 huma ambizzjużi. Jeżiġu sforz ikkoordinat fl-Istati Membri f’bosta oqsma ta’ azzjoni politika bi sħab mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili;

it-tisħiħ meħtieġ tal-benesseri u tal-koeżjoni soċjali taċ-ċittadini Ewropej. Dawn l-aħħar snin, iċ-ċittadini Ewropej urew li l-istennijiet tagħhom fir-rigward ta’ politiki soċjali ġodda, effikaċi u progressivi kienu importanti fil-livell soċjali u sostenibbli fil-livell ekonomiku.

3.   Benefiċċji adegwati ta’ sostituzzjoni tad-dħul

3.1   Il-benefiċċji soċjali maħsuba biex jagħtu garanzija ta’ dħul tul perijodu ta’ qgħad, wara l-irtirar, f’każ ta’ mard jew minħabba diżabbiltà huma importanti ħafna fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Indipendentement mill-mod ta’ finanzjament tagħhom, il-prinċipji li huma bbażati fuqhom (ta’ assigurazzjoni jew universali) jew mill-mod kif dawn il-benefiċċji jingħataw, l-għan tagħhom huwa li jiggarantixxu dħul stabbli u adegwat meta jinqala’ xi wieħed minn dawn ir-riskji soċjali. Għaldaqstant, jaqdu rwol importanti ta’ sigurtà kemm mil-lat tal-individwi kif ukoll mil-lat tas-soċjetà inġenerali. M’għandhomx jitqiesu bħala piż iżda bħala investiment produttiv li minnu jgawdi kulħadd.

3.2   It-taqlib konsiderevoli fl-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej minħabba l-globalizzazzjoni, il-bidliet teknoloġiċi, il-fenomenu tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u, reċentement, il-kriżi ekonomika li seħħet fl-2008 irriżultaw f’bidliet profondi fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’mod ġenerali u fil-benefiċċji ta’ sostituzzjoni tad-dħul b’mod partikolari. L-għan essenzjali tal-politiki msejħa ta’ modernizzazzjoni implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena huwa l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u li jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku, b’mod partikolari permezz ta’ rati ta’ impjieg għoljin. Dan wassal biex il-benefiċċji soċjali jingħataw rwol importanti f’termini ta’ inċentiv għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol.

3.3   Il-Kumitat huwa konxju li l-livell ta’ protezzjoni mogħti minn dawn il-benefiċċji jiddependi ħafna mill-finanzjament pubbliku li attwalment qed jiffaċċja pressjoni qawwija minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Madankollu, jixtieq ifakkar li huwa jopponi “kull inizjattiva li tista’ tikkomprometti s-solidarjetà li fuqha tistrieħ il-protezzjoni soċjali u li hija ta’ tant ġid għall-Ewropa” (18). L-għoti ta’ benefiċċji li parzjalment iżommu l-istandard tal-ħajja huwa essenzjali biex jiggarantixxu tqassim aħjar tal-ġid u tad-dħul kif ukoll biex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali. Fl-istess waqt, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmi li għandhom l-għan li jadattaw il-benefiċċji skont l-iżvilupp tal-ħajja. Din hija r-raġuni wkoll għala l-Kumitat jaħseb li jeħtieġ li fi ħdan il-MMK isir monitoraġġ biex jiġi analizzat il-livell adegwat tal-benefiċċji mogħtija.

3.4   Il-KESE jitlob li jiġi implimentat programm ta’ azzjoni soċjali bbażat fuq kooperazzjoni pożittiva bejn l-Istati Membri u “mhux fuq ‘tellieqa sal-qiegħ’ kompetittiva fir-rigward tad-drittijiet soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol” (19).

3.5   Fir-rigward tal-qgħad għandha tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali bħala investiment għall-benefiċċju kemm tal-kompetittività ekonomika kif ukoll tal-integrazzjoni soċjali.

3.5.1   L-assigurazzjoni kontra l-qgħad hija vantaġġ soċjali essenzjali peress li jassigura lil kull ħaddiem kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija mill-post tax-xogħol jew ta’ ristrutturar. L-għan hu li jiġi assigurat livell adegwat u stabbli ta’ riżorsi, l-ewwel kundizzjoni tas-sigurtà tal-appoġġ tal-mobbiltà professjonali u għaldaqstant għar-ritorn lejn l-impjieg (20).

3.5.2   L-assigurazzjoni kontra l-qgħad ma tistax tkun limitata għall-għoti ta’ benefiċċji iżda għandha tkun assoċjata ma’ miżuri adegwati u dinamiċi ta’ appoġġ lejn impjieg ta’ kwalità. Dawn il-politiki attivi għandhom jiggarantixxu appoġġ individwali u aċċess għal taħriġ li jwasasl għal kwalifiki (21). Barra minn hekk, fatturi oħra bħal pereżempju d-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal, il-miżuri li jittieħdu għall-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, l-infrastrutturi għat-tagħlim u s-saħħa pubblika għandhom rwol importanti x’jaqdu (22). L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-elementi indispensabbli għal transizzjonijiet professjonali bla xkiel.

3.5.3   Min-naħa l-oħra, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittieħdu miżuri għal titjib strutturali biex jinħoloq suq tax-xogħol li verament ikun inklużiv (23). F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li fid-9 ta’ Diċembru 2009 fil-kuntest tad-djalogu soċjali ġie konkluż ftehim qafas għal suq tax-xogħol inklużiv. Dan il-ftehim qafas juri biċ-ċar ir-rieda tal-imsieħba soċjali biex jippromovu s-swieq inklużivi tax-xogħol, jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa, iżidu r-rati ta’ impjieg, itejbu l-kwalità tal-impjieg, tat-taħriġ u tal-iżvilupp tal-kompetenzi.

3.5.4   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ konverġenzi biex ix-xogħol isir bil-ħlas billi l-impjieg jikkostitwixxi għażla li ġenwinament tkun aktar interessanti mil-lat finanzjarju. Permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki kkoordinati fil-livell soċjali, ta’ paga u fiskali, jeħtieġ li l-persuni li ma jitħallsux biżżejjed u li mhumiex ikkwalifikati biżżejjed ikollhom aċċess għal impjieg bi gwadann u joħorġu mill-faqar u l-qgħad (24).

3.5.5   Il-benefiċċji tal-qgħad marbuta ma’ politiki dinamiċi tas-suq tax-xogħol jistabilizzaw l-ekonomija u jippromovu adattament attiv għat-tibdil permezz tat-titjib tal-kompetenzi u ta’ inizjattivi effikaċi fil-qasam tat-tfittxija għal impjieg u ta’ bdil fil-karriera (25). Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-politiki ta’ attivazzjoni li qed jitwettqu bħalissa fl-Istati Membri kollha jkunu tassew il-frott ta’ bilanċ bejn il-valuri tas-solidarjetà, ir-responsabbiltà u l-koeżjoni u li ma jippreżentawx riskju f’termini ta’ inugwaljanzi, ta’ disparitajiet kategoriċi, jew ta’ stazzjonament f’impjiegi mhux konvenzjonali, li jirrikjedu ftit kwalifiki u/jew li mhumiex imħallsa biżżejjed. Barra minn hekk, jeħtieġ li tibqa’ tingħata attenzjoni lill-miżuri għat-tisħiħ tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari fi żmien ta’ kriżi ekonomika fejn id-domanda għall-ħaddiema hija baxxa. Hemm riskju li ngħakksu aktar lill-persuni esklużi u dan huwa ostakolu importanti f’termini ta’ integrazzjoni (mill-ġdid) fil-qasam tax-xogħol. Dawn il-politiki ta’ eliminazzjoni jista’ wkoll ikollhom effet negattiv peress li jistgħu jipprovokaw ċaqliq lejn setturi oħra tal-protezzjoni soċjali bħal pereżempju l-għajnuna soċjali jew l-inkapaċità għax-xogħol, u dan mhuwiex mixtieq.

3.6   Il-pensjonijiet: irtirar adegwat fid-dawl tal-isfida tat-tixjiħ tal-popolazzjoni

3.6.1   Hekk kif in-numru ta’ pensjonanti fl-Ewropa qed jiżdied u n-numru relattiv ta’ persuni f’età li jaħdmu qed jonqos, l-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi tagħhom ta’ pensjoni bil-għan li l-irtirar ikun adegwat u sostenibbli. Dawn ir-riformi huma bbażati fuq il-punti li ġejjin: jingħataw inċentivi biex l-individwi jibqgħu jaħdmu aktar, jitħeġġu pensjonijiet komplementari, jiġu stabbiliti rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-benefiċċji, jiġi kkunsidrat l-għomor dejjem itwal huma u jiġu stabbiliti l-benefiċċji, finanzjament adatt għal pensjoni minima, għoti ta’ kreditu għal perijodi ta’ kura fid-drittijiet għall-pensjoni u mekkaniżmi ta’ reviżjoni awtomatika jew semiawtomatika.

3.6.2   Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar għadha partikolarment għolja fost il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena (l-medja ta’ 20 % fis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel ma’ 17 % tal-popolazzjoni kollha) speċjalment fost in-nisa (f’dan il-każ, ir-rata tilħaq t-22 %). Dan iwassal għal problema ta’ adegwatezza bejn il-livell ta’ pensjonijiet meta mqabbel mad-dħul tal-bqija tal-popolazzjoni. L-objettiv tal-pensjoni huwa li dawk li rtiraw jingħataw dħul sigur li jissostitwixxi d-dħul li kienu jirċievu meta kienu jaħdmu, filwaqt li jitqies il-livell tal-ħajja ta’ qabel. Fil-ġejjieni, jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi fid-dħul minħabba kontribuzzjonijiet differenti bejn il-pensjonanti, irġiel u nisa, iżda wkoll biex tiġi ggarantita kopertura korretta tar-riskju tat-tixjiħ tal-ħaddiema (irġiel u nisa) impjegati f’impjiegi mhux konvenzjonali jew li kellhom karrieri mhux konvenzjonali. Is-segregazzjoni li għadha teżisti fis-suq tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel għandha konsegwenzi importanti fuq il-kostituzzjoni tad-drittijiet miksuba u għalhekk fuq il-perspettivi ta’ rtirar tan-nisa (26). Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll li l-ġeneralizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet minimi għandha rwol importanti x’taqdi fil-ġlieda kontra l-faqar fost l-anzjani. Il-KESE jisħaq biex il-Kumitat tal-protezzjoni soċjali u l-MMK jiffokaw b’mod partikolari fuq dan il-punt.

3.6.3   Is-sistemi pubbliċi tal-pensjoni jirrappreżentaw is-sors prinċipali tal-pensjonijiet. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa indispensabbli li jiġu assigurati s-sostennibbiltà u l-vijabbiltà finanzjarja. Il-KESE huwa tal-fehma li l-aħjar garanzija ta’ finanzjament adegwat ta’ dawn is-sistemi pubbliċi hija msejsa fuq rata għolja ta’ impjieg, kif ukoll fuq miżuri komplementari ta’ finanzjament implimentati minn ċerti Stati Membri. Dawn is-sistemi huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u joħolqu rabtiet bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, jippermettu wkoll li jiġu żgurati d-drittijiet għall-pensjoni matul perijodi ta’ qgħad u ta’ waqfien mill-karriera minħabba mard jew raġunijiet relatati mal-familja. L-istabbiltà finanzjarja tagħhom ħarġet fid-dieher matul il-kriżi finanzjarja tal-2008.

3.6.4   B’mod komplementari għal dawn is-sistemi pubbliċi ta’ pensjoni, ġew żviluppati wkoll sistemi komplementari ta’ pensjoni. Dawn jistgħu joffru riżorsi komplementari lill-pensjonanti u għal dan il-għan għandhom jiġu applikati għall-impjegati kollha. Madankollu, ma jistgħux ikunu la soluzzjoni alternattiva għall-problema tal-vijabbiltà tas-sistemi pubbliċi ta’ pensjoni u wisq anqas jistgħu jixħtu dubju fuqhom. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi komplementari għandhom, fl-interess tal-kontributuri u tal-pensjonanti, jissodisfaw għadd ta’ rekwiżiti, b’mod partikolari li jidħlu f’qafas regolatorju Ewropew żviluppat bi ftehim mal-imsieħba soċjali. M’għandhomx ikunu biss fondi ta’ investiment bil-għan li jiggarantixxu pensjoni personali iżda għandhom jiżguraw li jkopru r-riskju tul il-ħajja u jassiguraw dħul għal perijodi ta’ mard u saħansitra ta’ qgħad ekonomiku jew ta’ assenza mix-xogħol minħabba raġunijiet familjari. L-aċċess għal dawn is-sistemi komplementari għandu jkun garantit għall-ħaddiema kollha tas-settur u tal-intrapriża. Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandu jiġi applikat. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll fil-kontroll tal-ġestjoni tagħhom. Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġu promossi l-investimenti li għandhom impatt pożittiv fuq l-impjiegi u li jiġu evitati prattiki purament spekulattivi.

3.7   L-inkapaċità għax-xogħol: xibka importanti tas-sigurtà għall-ħaddiema morda jew b’diżabbiltà

3.7.1   Apparti l-qgħad u l-pensjoni, it-tielet kategorija ta’ benefiċċji ta’ sostituzzjoni tad-dħul tikkonċerna l-benefiċċji mogħtija f’każ ta’ inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà, inċident fil-post tax-xogħol jew mard ikkawżat mix-xogħol. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ dħul ta’ sostituzzjoni adegwat u l-kwistjoni tar-ritorn jew l-aċċess għall-impjieg. Il-KESE jixtieq ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-integrazzjoni soċjali (27). Li persuna jkollha dħul hija kundizzjoni indispensabbli għal għajxien indipendenti, iżda mhux neċessarjament kundizzjoni suffiċjenti. F’ħafna każijiet ftit għadha tingħata attenzjoni lill-integrazzjoni tal-persuni involuti fil-ħajja tax-xogħol, minkejja d-dispożizzjonijiet legali maħsuba għal dan il-għan. Ħafna drabi l-arranġamenti prattiċi għal assistenza u appoġġ biex jinstab jew jitkompla impjieg huma ta’ piż u mhux adegwati.

3.7.2   Dawk il-persuni li ma jistgħux jaħdmu għandhom ikunu assigurati appoġġ ta’ dħul suffiċjenti biex jgħixu ħajja dinjituża. F’dan ir-rigward, il-benefiċċju mogħti mhux biss għandu jqis iż-żamma tal-istandard adegwat tal-ħajja iżda wkoll l-ispejjeż speċifiċi li ġġarrab persuna minħabba mard jew diżabbiltà. Il-politiki li għandhom l-għan li jiggarantixxu kura tas-saħħa aċċessibbli u ta’ kwalità għandhom rwol essenzjali x’jaqdu bħalma għandhom il-politiki li jħeġġu l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u ta’ servizzi soċjali implimentati f’sitwazzjonijiet ta’ dipendenza bil-għan li tiġi garnatita ħajja deċenti (pereżempju s-servizzi tas-saħħa, l-għajnuna fid-dar, l-għajnuna ta’ terza persuna, eċċ.).

4.   Dħul minimu u inklużjoni soċjali

4.1   Fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 1989 dwar il-faqar (28), il-KESE diġà kien irrakkomanda li jiġi stabbilit minimu soċjali maħsub kemm bħala xibka ta’ sigurtà għall-foqra kif ukoll bħala lieva meħtieġa biex dawn jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Din l-opinjoni hija kkwotata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar kriterji komuni dwar riżorsi suffiċjenti u l-assistenza soċjali fis-sistemi ta’ ħarsien soċjali (29). Il-Kunsill jirrakkomanda li titwaqqaf gradwalment garanzija tar-riżorsi fil-qafas tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali ta’ bosta Stati Membri u dan fi żmien 5 snin. Kważi għoxrin sena wara u hekk kif l-Unjoni ddikjarat l-2010 bħala sena tal-ġlieda kontra l-faqar, ta’ min jinnota li dawn it-talbiet u rakkomandazzjonijiet baqgħu ma ntlaqgħux. Fl-2008, il-Kummissjoni speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva (30) li r-Rakkomandazzjoni tal-1992 “tibqa’ strument ta’ referenza għall-politika tal-Komunità dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali u ma tilfet xejn mir-relevanza tagħha; għalkemm fadal xi jsir biex tkun implimentata b’mod sħiħ”. Reċentement, fil-qafas tar-Riżoluzzjoni tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (31), il-Parlament “jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw appoġġ xieraq għad-dħul sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali”; u “jinnota l-bżonn għal livell adegwat ta’ dħul minimu, ibbażat fuq ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE u r-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE li għandu jkun adegwat, trasparenti, aċċessibbli għal kulħadd u sostenibbli tul iż-żmien”.

4.2   B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992, il-KESE jaħseb li din il-garanzija tar-riżorsi għandha tiġi stabbilita billi jitqies il-livell attwali tal-ħajja f’kull Stat Membru. Dan ifisser li għandha ssir referenza għall-indikaturi adatti bħal pereżempju d-dħul medju jew medjan disponibbli fl-Istat Membru, l-istatistika dwar il-konsum tal-familji, il-paga minima legali, jekk teżisti, u l-livell tal-prezzijiet. Barra minn hekk, dan id-dħul minimu jista’ jiġi adattat jew ikkompletat biex jissodisfa bżonnijiet speċifiċi. Dan jinkludi prinċipalment għajnuna għall-akkomodazzjoni u politiki li jiggarantixxu l-aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità u għall-kontroll tad-dipendenza kbira li diġà ġew implimentati minn bosta Stati Membri. Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva tal-Parlament (32) billi l-għan tiegħu huwa li jtejjeb ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1992 u jispeċifika li “l-għajnuna soċjali għandha tipprovdi dħul minimu xieraq għal ħajja b’dinjità, tal-anqas f’livell li jkun lil hinn mil-livell ta’ ‘riskju ta’ faqar’”. Madankollu, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-interazzjonijiet eventwali li jistgħu jseħħu bejn din il-garanzija ta’ dħul, assoċjata jew le ma’ interventi konnessi bħal għajnuna għall-akkomodazzjoni, u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali. Jeħtieġ li jiġi evitat li l-benefiċjarji tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jispiċċaw f’sitwazzjonijiet anqas vantaġġati, billi dan iwassal għal effetti negattivi ċari.

4.3   Il-KESE jfakkar li l-introduzzjoni ta’ dħul minimu għandha tiġi maħsuba fil-qafas ta’ politiki ta’ inklużjoni soċjali u ta’ aċċess għas-servizzi soċjali ta’ kwalità. Minn dan il-lat, huwa jappoġġja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew (33) li “[j]issuġġerixxi li l-Istati Membri jqisu b’mod attiv politika relatata ma’ salarju minimu sabiex jiġi ffaċċjat l-ammont dejjem jikber ta’ ‘persuni fqar li jaħdmu’ u sabiex l-impjieg isir prospett vijabbli għal dawk li jkunu mbiegħda mis-suq tax-xogħol”. Barra minn hekk, il-Kumitat jixtieq jispeċifika li għandha tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni tal-persuni li ma jistgħux jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol minħabba l-età, is-saħħa jew xi diżabbiltà. Jaqbel mal-Parlament Ewropew (34) meta dan jispeċifika li “l-inklużjoni attiva ma tistax tieħu post l-inklużjoni soċjali” u li “għandu jkun hemm dħul minimu u servizzi soċjali aċċessibbli, bi prezz deċenti u ta’ kwalità għolja, indipendentement minn jekk persuna tistax tieħu sehem fis-suq tax-xogħol jew le”.

4.3.1   Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni gradwali ta’ garanzija ta’ riżorsi hija meħtieġa għall-ksib tal-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar, liema objettiv huwa inkluż fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandu jiġi maħsub permezz ta’ strument ġdid li jappoġġja b’mod aktar effikaċi l-politiki dwar il-ġlieda kontra l-faqar f’bosta Stati Membri.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 27, 3.2.2009.

(2)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 309, 16.12.2006.

(3)  Kummissjoni Ewropea, Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010, Manuskritt, Frar 2010.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2010) 2020.

(5)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128/3, 18.5.2010, punt 4.4.

(6)  Kunsill Ewropew, 17.6.2010, Konklużjonijiet, EUCO 13/10.

(7)  Idem 5.

(8)  Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni, 6.5.2009, 2008/2335(INI).

(9)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 221, 28.8.1989 u ĠU C 128/15, 18.5.2010.

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, 24.6.1992, 92/441/KEE, ĠU L 245, 26.8.1992.

(11)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 302/86, 7.12.2004.

(12)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128/10, 18.5.2010 u ĠU C 302/86, 7.12.2004.

(13)  Artikolu 9 tat-TFUE, ĠU C 115, 9.5.2008.

(14)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU C 364, 18.12.2000.

(15)  Kummissjoni Ewropea, Kumitat għall-protezzjoni soċjali, It-tkabbir, l-impjieg u l-progress soċjali fl-UE - Messaġġi ewlenin, Manuskritt, Settembru 2009.

(16)  Klaus Busch, “World Economic Crisis and the Welfare State – Possible solutions to reduce the economic and social imbalances in the world economy, Europe and Germany” (Il-kriżi ekonomika dinjija u l-istat soċjali – Soluzzjonijiet possibbli biex jitnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fl-ekonomija tad-dinja, l-Ewropa u l-Ġermanja), Analiżi ta’ politika internazzjonali, Friedrich-Ebert-Stiftung, Frar 2010.

(17)  Idem 15.

(18)  Idem 5.

(19)  Idem 1.

(20)  Florence LEFRESNE, “Regard comparatif sur l’indemnisation du chômage : la difficile sécurisation des parcours professionnelles”, (Analiżi komparattiva lejn il-benefiċċji tal-qgħad: id-diffikultà li jiġu garantiti possibbiltajiet professjonali), Chronique internationale de l’IRES – no115, Novembru 2008, p. 23.

(21)  Idem 18.

(22)  Idem 11.

(23)  Idem 5.

(24)  Idem 11.

(25)  Idem 2.

(26)  Idem 11.

(27)  Idem 5.

(28)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 221, 28.8.1989 u ĠU C 128/10, 18.5.2010.

(29)  Idem 10.

(30)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008, 2008/867/KE, ĠU L 307, 18.11.2008.

(31)  Idem 8.

(32)  Idem 8.

(33)  Idem 8.

(34)  Idem 8.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/06

Relatur Ġenerali: is-Sinjura KING

F’ittra tat-28 ta’ April 2010, u skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Lauretta Onkelinx, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Belġju, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-presidenza Belġjana futura, biex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom

Fil-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 Sessjoni Plenara tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sinjura Brenda King bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’113-il vot favur, 6 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Fl-UE llum il-ġurnata hawn 20 miljun tifel u tifla li huma fil-periklu li jgħixu fil-faqar. Il-proporzjon tat-tfal li jgħixu fil-faqar huwa ikbar mill-proporzon tal-adulti fqar (20 % kontra 16 %), u iktar huma mistennija jaqgħu taħt il-linja tal-faqar minħabba l-kriżi ekonomika. L-eżistenza tal-faqar fost it-tfal li jgħixu fl-UE hija prova biżżejjed li qed jiġu miċħuda mid-drittijiet l-iktar fundamentali tagħhom.

1.2   Jekk ma jsir xejn dwar il-faqar fost it-tfal il-konsegwenzi ser iħallu impatt negattiv fuq il-benesseri fil-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tirnexxi l-Istrateġija UE 2020 irid ikun hemm ġenerazzjoni żagħżugħa li għandha edukazzjoni tajba, li tkun f’saħħitha u mimlija tamiet għall-ġejjieni. Kemm l-eżistenza ta’ wisq tfal li huma fil-periklu tal-faqar kif ukoll ir-rikorrenza li biha l-faqar jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra huma kundanna qawwija tal-failliment tal-politiki attwali tal-UE li għandhom iħarsu lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà.

1.3   Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom huma problema multidimensjonali; għadd ta’ rapporti sabu li hemm firxa ta’ fatturi, inklużi l-privazzjoni materjali, in-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa, għal djar diċenti u għall-edukazzjoni li kollha jikkontribwixxu għall-problema. Il-fehma ġenerali hija li dawn il-fatturi huma interkonnessi u interdipendenti, u b’hekk soluzzjonijiet għall-problema jridu jirriflettu dan il-fatt.

1.4   Il-faqar u l-privazzjoni fost it-tfal iwaqqfu miljuni tat-tfal milli jkollhom bidu mill-aqwa għal ħajjithom, u jwasslu biex ixekklu l-iżvilupp personali tagħhom. Ta’ sikwit, interventi fl-istadji bikrija tal-ħajja ta’ tifel jew tifla jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-bqija ta’ ħajjithom. Huwa vitali li jiġu żviluppati politiki adatti sabiex jiġi żgurat li t-tfal kollha, b’mod partikulari dawk fil-partijiet l-iktar marġinalizzati tas-soċjetà, jingħataw l-opportunità li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u għaldaqstant jagħtu kontribut pożittiv għall-futur.

1.5   F’din is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-KESE jilqa’ l-impenn politiku li wera l-Kunsill bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel it-tnaqqis tal-faqar wieħed mill-ħames miri ewlenin tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2020. L-objettiv huwa li “L-għadd ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-livell tal-faqar għandu jitnaqqas b’ 25 %, u b’hekk aktar minn 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar” (1).

1.6   Madankollu, il-Kumitat jinsab iddiżappuntat li m’hemmx mira speċifika għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u sabiex jiġi promoss il-benesseri tagħhom, meta wieħed iqis l-attenzjoni politika u l-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi dwar din il-kwistjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sa mill-2000.

1.7   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin se tkun Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar li ser ikollha l-għan li “tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b’hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jinħassu b’mod mifrux filwaqt li l-persuni li jgħaddu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b’dinjità u jieħdu sehem attiv fis-soċjetà”.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa kollha li din il-Pjattaforma ssir il-qafas għat-tneħħija tal-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tagħhom, billi jiġu żviluppati approċċi multidimensjonali speċifiċi għat-tfal, imsejsa fuq id-drittijiet tat-tfal u appoġġati minn miri speċifiċi li jiffokaw fuq it-tfal u l-familji bit-tfal.

1.9   In-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali enfasizza gruppi partikulari ta’ tfal li huma fil-periklu kbir ta’ faqar estrem, inklużi:

i.

tfal li jgħixu ġo jew qed jitilqu minn istituzzjonijiet, tfal tat-triq, tfal li jesperjenzaw abbuż, li jiġu ttrattati ħażin jew mitluqa, tfal li l-ġenituri tagħhom għandhom problemi ta’ saħħa mentali, tfal li huma taħt kura, tfal bla dar u dawk li huma vittmi tal-vjolenza fid-dar jew tat-traffikar.

ii.

tfal b’diżabilitajiet, tfal minn minoritajiet etniċi, tfal Roma, li qed jitolbu l-ażil u li huma immigranti.

iii.

tfal li jgħixu f’żoni rurali fqar ħafna u iżolati fejn hemm nuqqas ta’ faċilitajiet bażiċi, u tfal li jgħixu f’“estates” kbar fuq il-periferiji ta’ żoni urbani ewlenin.

1.10   Il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tat-tfal, li tagħti lill-UE mandat b’saħħtu biex tiggarantixxi s-soppravivenza, il-ħarsien u l-iżvilupp tat-tfal. Dawn it-tfal vulnerabbli għandu jkollhom l-indikaturi u l-objettivi tagħhom stess fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE kontra l-Faqar.

1.11   Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni komprensiva dwar il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri tagħhom, sabiex jiġu stabbiliti objettivi ewlenin u miri ta’ politika u sabiex jinħoloq qafas għal monitoraġġ, skambju, riċerka u reviżjonijiet minn pari li huma kontinwi u li jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv tal-UE 2020 dwar il-faqar.

2.   Sfond

2.1   Mill-2000 ’l hawn il-kwistjoni tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali saret parti dejjem iktar importanti tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni Soċjali. Ġiet enfasizzata bħala kwistjoni ewlenija f’kull wieħed mir-Rapporti Konġunti dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (2002–2004). Il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ddikjaraw il-bżonn li “(jittieħdu) l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal b’mod rapidu u sinifikanti, u b’hekk it-tfal kollha jiġu mogħtija opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom” (2).

2.2   L-inizjattiva tal-Presidenza tal-Lussemburgu tal-UE fl-2005 dwar “It-Teħid ’il Quddiem tal-Proċess ta’ Inklużjoni Soċjali tal-UE” sejħet espliċitament għall-“mainstreaming” tat-tfal u għall-adozzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-indikaturi dwar il-benesseri tat-tfal fil-livell tal-UE. Fl-2006 l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal tefgħet attenzjoni partikulari fuq il-kwistjoni tal-inklużjoni soċjali tat-tfal u fuq ir-rwol tal-Proċess tal-Inklużjoni Soċjali tal-UE. F’Jannar 2008 ġew adottati formalment rapport analitiku u rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tal-UE dwar il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri tagħhom. Fi tmiem l-2009 d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 rrikonoxxa li l-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali huma waħda mill-isfidi fit-tul tal-UE li ġiet iggravata iktar minħabba l-kriżi finanzjara u ekonomika. F’Marzu 2010 tlesta rapport iddettaljat dwar Il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri Tagħhom fl-Unjoni Ewropea, imħejji minn konsorzju mmexxi minn TARKI, l-Istitut tar-Riċerka Soċjali, għall-Kummissjoni Ewropea.

2.3   It-Trattat ta’ Lisbona tal-2009 jinkludi bħala objettiv espliċitu tal-UE l-promozzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal. Fil-konferenza ta’ ftuħ tas-Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-President tal-Kummissjoni Barroso ddikjara/qal “Ejjew innaqqsu r-rata ta’ periklu ta’ faqar sal-2010 għall-popolazzjoni kollha kemm hi, b’mod partikulari t-tfal u l-anzjani, għaliex iċ-ċifri attwali ma jistgħux jiġu ttollerati”. Il-Belġju, li għandha l-Presidenza tal-UE fit-tieni nofs tal-2010, identifikat b’mod partikulari l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal bħala prijoritajiet ewlenin.

3.   Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom fl-UE

3.1   Il-faqar fost it-tfal

3.1.1   Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom huma sfidi ewlenin madwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-firxa u s-severità jvarjaw ħafna minn pajjiż għal pajjiż, u f’ħafna pajjiżi anke minn reġjun għal reġjun. Għaldaqstant, l-evidenza mill-mewġa tal-2007 ta’ UE-SILC turi dan li ġej (3):

20 % tat-tfal fl-UE huma fil-periklu tal-faqar (4), meta mqabbla ma’ 16 % tal-popolazzjoni kollha. Il-periklu huwa ikbar għat-tfal fil-pajjiżi kollha ħlief f’Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja u s-Slovenja (fil-Latvja il-periklu huwa identiku). F’żewġ pajjiżi (il-Bulgarija u r-Rumanija) il-periklu tal-faqar tat-tfal jasal sa livell għoli ta’ 30-33 %, u bejn 23-25 % f’ħames pajjiżi (il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit), filwaqt li huwa 12 % f’ħames pajjiżi (Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, is-Slovenja u l-Isvezja).

Huwa essenzjali li flimkien ma’ din l-informazzjoni titqies ukoll id-differenza fil-periklu ta’ faqar nazzjonali (5), li tindika “kemm huma fqar it-tfal fqar” – jiġifieri, il-livell ta’ periklu tal-faqar tat-tfal. Id-differenza fil-periklu ta’ faqar tat-tfal tvarja minn 13 % fil-Finlandja għal 15 % fi Franza sa 40 % fir-Rumanija u 44 % fil-Bulgarija. Il-periklu tal-faqar għandu ħabta jiżdied mal-età tat-tfal f’ħafna mill-pajjiżi.

Fattur ewlieni ieħor li għandu jitqies meta jiġi kkunsidrata il-faqar fid-dħul huwa t-tul ta’ żmien, jiġifieri kemm idumu t-tfal jgħixu taħt il-limitu tal-periklu ta’ faqar. Kif ġie enfasizzat fir-rapport TARKI msemmi hawn fuq, “għalkemm il-periklu tal-faqar fost it-tfal f’sena partikulari jagħti indikazzjoni tat-theddida tal-privazzjoni u l-esklużjoni soċjali li huma jiffaċċjaw, it-theddida kkonċernata hija ħafna iktar serja jekk ikollhom dħul li huwa inqas minn dan il-livell għal bosta snin”. Għall-20 pajjiż tal-UE li għalihom hija disponibbli d-data UE-SILC meħtieġa, ir-rapport TARKI juri li l-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’familji li kienu fil-periklu tal-faqar għal kull waħda mis-snin 2005-2007 huwa bejn 4-6 % (fl-Awstrija, Ċipru, il-Finlandja, is-Slovenja u s-Svezja) u jitla’ għal 13-16 % (fl-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja u l-Portugall).

3.2   Privazzjoni materjali

3.2.1   Id-definizzjoni tal-UE ta’ tfal li huma fil-periklu tal-faqar hija msejsa fuq l-għadd ta’ tfal li qed jgħixu f’familji bi dħul baxx. Waqt li dan huwa importanti, din il-miżura mhijiex biżżejjed billi ma tinkludix kull ma hu meħtieġa għat-tfal biex ikollhom bidu tajjeb fil-ħajja. It-tfal jistgħu jgħixu fi djar ta’ livell baxx jew anke jkunu bla dar, jew jgħixu f’inħawi mitluqa, jesperjenzaw livelli għolja ta’ kriminalità, ikunu neqsin mis-saħħa, ikollhom dieta ħażina, jiffaċċjaw iktar perikli ta’ inċidenti u li jweġġgħu, iktar abbuż fiżiku, iktar “bullying”, ikollhom inqas aċċess għall-kura tat-tfal, u aċċess limitat għal servizzi soċjali u tal-familja, ikollhom żvantaġġ fl-edukazzjoni u opportunitajiet ta’ edukazzjoni li jkunu ta’ kwalità baxxa, aċċess limitat jew xejn għal żoni tal-logħob, u faċilitajiet tal-isports u tar-rikreazzjoni jew għal attivitajiet kulturali. Xi tfal jiffaċċjaw iktar minn żvantaġġ wieħed u hekk kif dawn jakkumulaw jistgħu jinteraġixxu u jsaħħu ’l xulxin biex b’hekk iżidu l-esperjenza li t-tfal ikollhom tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u jsaħħu l-wirt transġenerazzjonali tal-faqar u l-esklużjoni.

3.2.2   Ir-rata tal-privazzjoni materjali għat-tfal kollha fl-UE hija identika għal dik affettwata mill-periklu tal-faqar (20 %). Madnakollu, il-privazzjoni materjali tvarja b’mod iktar sinifikanti madwar l-Istati Membri minn 4-10 % (fil-Lussemburgu, it-tliet pajjiżi Nordiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) sa 39-43 % (fl-Ungerija, il-Latvja u l-Polonja), 57 % (ir-Rumanija) u 72 % (il-Bulgarija). Dawn iċ-ċifri jistgħu jitqabblu mal-firxa tal-periklu tal-faqar li testendi minn 10 % sa 33 %. Din il-varjazzjoni kbira fil-privazzjoni materjali tirrifletti d-differenzi fil-livelli medji ta’ għajxien madwar l-Istati Membri kif ukoll id-distribuzzjoni fihom.

3.2.3   Ir-rata ta’ privazzjoni materjali hija ta’ 46 %, proporzjon li jvarja b’mod sinifikanti – minn 18-28 % (id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja) sa 72-96 % (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija). U fost it-tfal li huma ’l fuq mil-limitu tal-periklu tal-faqar, ir-rata medja tal-UE tal-privazzjoni materjali hija ta’ 13 %. Hawnhekk ukoll, il-firxa hija wiesgħa ħafna: 1-6 % (id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja) u 35-62 % (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija).

3.2.4   Il-KESE jirrakkomanda li r-rati nazzjonali tal-periklu tal-faqar, il-limiti tal-periklu tal-faqar u r-rati nazzjonali tal-privazzjoni materjali jiġu inklużi bħala indikaturi.

3.3   It-tfal huma l-aktar fil-periklu

3.3.1   Ġenitur wieħed u familji kbar

3.3.1.1   It-tfal li jgħixu ma’ ġenitur wieħed u dawk li jgħixu f’familji kbar huma fl-ikbar periklu prattikament fil-pajjiżi kollha. Evidenza mill-mewġa tal-2007 tal-UE-SILC tindika li fil-livell tal-UE, 34 % tat-tfal li jgħixu f’familja b’ġenitur wieħed huma fil-periklu tal-faqar, bi proporzjon li jvarja minn 17-24 % (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Isvezja) għal 40-45 % (l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, ir-Renju Unit) sa 54 % (Malta). Fir-rigward tat-tfal li jgħixu f’familji kbar (jiġifieri familji li jikkonsistu minn żewġ adulti u tlieta jew iktar tfal), il-periklu tal-faqar għalihom fl-UE huwa ta’ 25 %. Il-proporzjon ivarja minn 12-15 % (il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka, is-Slovenja) għal 41-55 % (l-Italja, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija) sa 71 % (il-Bulgarija).

3.3.2   Familji mingħajr xogħol

3.3.2.1   L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) tal-2007 juri li 9,4 % tat-tfal jgħixu f’familji bla xogħol, proporzjon li jvarja minn 2,2-3,9 % (f’Ċipru, il-Greċja, il-Lussemburgu u s-Slovenja) għal 12 % fil-Belġju, 12,8 % fil-Bulgarija, 13,9 % fl-Ungerija u 16,7 % fir-Renju Unit (6). Dawn it-tfal huma f’periklu għoli ħafna – 70 % – ta’ faqar, bil-periklu l-iktar baxx irreġistrat fid-Danimarka u fil-Finlandja (47-49 %) waqt li l-ogħla periklu fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, il-Portugall, ir-Rumanija, u s-Slovakkja (81-90 %).

3.3.2.2   Fir-rigward tal-privazzjoni materjali, meta wieħed jgħix f’familja fejn ħadd ma jkun impjegat bi ħlas, hemm il-possibilità kbira li dan ikollu effett sinifikanti kemm fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien attwali tat-tfal kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien fil-futur. Il-qgħad mhux biss iqajjem il-kwistjoni ta’ problemi finanzjarji potenzjali; in-nuqqas ta’ adult li jaħdem fil-familja tat-tifel jew tifla jista’ jillimita wkoll l-opportunitajiet attwali jew futuri biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.

3.3.3   It-tfal fil-periklu tal-faqar “estrem”

3.3.3.1   In-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali enfasizza gruppi partikulari ta’ tfal li huma f’periklu kbir ta’ faqar iktar sever jew estrem. Dan huwa partikularment evidenti mill-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni tal-Istati Membri u bosta proġetti ta’ skambju transnazzjonali. Dawn il-gruppi jinkludu: tfal bid-diżabilitajiet, tfal minn minoranzi etniċi (b’mod speċjali r-Roma), żgħażagħ li qed jitolbu l-ażil u immigranti, tfal li jbatu l-abbuż, trattament ħażin jew li jkunu mitluqin, tfal li jkollhom ġenituri li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, tfal fil-kura, tfal bla dar u dawk li huma vittma tal-vjolenza domestika jew tat-traffikar, tfal li jgħixu f’żoni rurali fqar ħafna u iżolati fejn hemm nuqqas ta’ faċilitajiet bażiċi, u tfal li jgħixu f’“estates” kbar fil-periferiji ta’ żoni urbani ewlenin (7). Mill-analiżi tal-2007 tal-UE, jidher li l-qagħda tat-tfal ta’ familji migranti, u xi minoranzi etniċi, hija kwistjoni ta’ tħassib li qed jiżdied fl-Istati Membri l-antiki.

3.4   L-effett fit-tul u l-faqar interġenerazzjonali

3.4.1   L-effett fit-tul

3.4.1.1   Tema importanti mir-Rapporti Konġunti dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali hija li meta wieħed jikber fil-faqar dan jillimita l-iżvilupp personali u jħalli konsegwenzi fit-tul fuq l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal u fuq is-saħħa futura tagħhom u l-benesseri tagħhom bħala adulti. Iżid il-periklu li jkunu fqar u li jesperjenzaw il-qgħad u l-esklużjoni soċjali bħala adulti. Dan l-impatt fit-tul ġie enfasizzat fir-rapport tal-2007 li kkonkluda li “Tfal li jikbru fil-faqar huma inqas mistennija mit-tfal f’qagħdiet aħjar, li jmorru tajjeb l-iskola, igawdu minn saħħa tajba, ma jkollhomx x’jagħmlu mas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u – bħala adulti żgħar – isibu posthom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod iktar wiesa’”.

3.4.2   Il-faqar interġenerazzjonali

3.4.2.1   Ir-rikorrenza li biha l-faqar jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra huwa marbut ma’ dan kollu wkoll, u huwa tema li tfiġġ ta’ spiss/rikorrenti. F’għadd ta’ pajjiżi t-trasmissjoni interġenerazzjonali hija partikularment evidenti fir-rigward tal-edukazzjoni u dan jidher li huwa minnu f’pajjiżi kemm b’livelli għolja kif ukoll baxxi ta’ faqar u esklużjoni soċjali fost it-tfal. Il-modulu UE-SILC tal-2005 dwar it-trasmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi wera li l-opportunitajiet edukattivi fit-tfulija jħallu impatt fuq il-possibilità ta’ faqar fost l-adulti. Għaldaqstant, individwu li l-ġenituri tiegħu jkollhom biss iċ-ċertifkat tal-primarja għandu 23 darba l-periklu li ma jkollux kwalifiki formali meta mqabbel ma xi ħadd li l-ġenituri tiegħu jkollhom edukazzjoni terzjarja.

4.   It-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment (benchmarking), il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

4.1   Sfida ewlenija li trid tingħata attenzjoni partikulari hija li t-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom ikunu fattur ċentrali u viżibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE.

4.2   Għal dan il-għan, nirrakkomandaw:

li jinbeda proċess fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jesploraw modi kif jagħmlu l-objettivi soċjali tal-UE iktar viżibbli, li jistgħu jitkejlu u tanġibbli fil-livell tal-UE.

li jiġi żgurat li l-progress li sar lejn il-miri tal-UE u dawk nazzjonali u lejn prestazzjonijiet imtejba fis-sensiela miftiehma ta’ indikaturi tal-UE jkun immonitorat b’mod rigoruż u bir-reqqa u li jiġi rrappurtat.

li jiġi żgurat li reviżjonijiet mill-pari jiġu organizzati sabiex jiġu diskussi r-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ monirotaġġ bil-għan li jissaħħaħ it-tagħlim dwar il-politika fl-Istati Membri u fil-Kummissjoni.

li jiddaħħal approċċ ħafna iktar rigoruż għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni b’enfasi iktar qawwija fuq ir-riżultati u li jiġi żgurat li ssir analiżi kritika indipendenti regolari tal-progress li jsir biex jintlaħqu l-objettivi. Ikun utli li l-elementi ewlenin jinkludu:

l-inkorporazzjoni tal-indikaturi komuni b’mod iktar sistematiku fl-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ u analitiċi tal-Istati Membri sabiex jittejjeb it-tagħlim reċiproku;

it-tisħiħ tal-kapaċità statistika fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u sottonazzjonali u b’mod partikulari l-iżgurar li tiġi prodotta statistika soċjali iktar f’waqtha (inkluża data dwar il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom li tippermetti monitoraġġ aħjar tal-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika madwar l-UE);

l-esiġenza li l-Istati Membri kollha jkollhom arranġamenti formali għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u esperti indipendenti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki tal-inklużjoni soċjali fuq bażi kontinwa.

5.   It-twaqqif ta’ Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar

5.1   It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE, u b’mod partikulari li jintlaħqu l-objettivi tal-UE 2020, ser jiddependi b’mod sinifikanti fuq l-inizjattiva ewlenija proposta fi ħdan l-UE 2020, jiġifieri l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar (EPAP).

5.2   L-EPAP trid issir is-simbolu viżibbli ta’ din l-Ewropa Soċjali mġedda. Trid taqdi rwol ċentrali fl-iżgurar li l-fergħat kollha l-oħra tat-tfassil tal-politika tal-UE (pereżempju l-politiki ekonomiċi, tal-kompetizzjoni, tal-edukazzjoni, tal-migrazzjoni, tas-saħħa, tal-innovazzjoni, u dawk ambjentali) jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-UE, inkluża l-mira tal-UE rigward it-tnaqqis tal-faqar.

5.3   Prijorità ewlenija se tkun li kwistjonijiet dwar protezzjoni soċjali adegwata jitqiegħdu fuq quddiem, inklużi l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, il-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal, u d-drittijiet tat-tfal fl-oqsma kollha rilevanti ta’ politika u programmi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali. L-EPAP għandha taqdi rwol ċentrali fil-monitoraġġ u r-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-impatt soċjali u dwar il-punt safejn il-fergħat l-oħrajn ta’ Ewropa 2020 qed jikkontribwixxu għall-għan li jitnaqqas il-faqar.

5.4   Titjib fir-rabtiet bejn l-objettivi tal-inklużjoni soċjali tal-UE u l-objettivi tal-Fondi Strutturali tal-UE

5.4.1   Irid isir adattament ferm iktar mill-qrib bejn l-objettivi ta’ inklużjoni soċjali tal-UE u dawk tal-Istati Membri u l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE. F’dan il-kuntest, l-użu tal-Fondi Strutturali jrid isir parti ewlenija tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni. Eżempju ta’ dan kien il-proposta tal-Kummissjoni fl-2009 mmirata biex jiġi permess li l-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) jiġi użat għall-appoġġ ta’ interventi fil-qasam tad-djar favur komunitajiet marġinalizzati fl-Istati Membri l-ġodda. Dan jista’ jaqdi rwol importanti biex jiżdiedu r-riżorsi għal inizjattivi f’dan il-qasam.

6.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

6.1   Impenn tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom

6.1.1   Meta wieħed iqis l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandu jiġi żviluppat qafas koerenti għall-indirizzar tal-faqar fost it-tfal u l-benesseri tat-tfal, billi jittieħed approċċ imsejjes fuq id-drittijiet. Għandu jiġi introdott objettiv speċifiku tal-UE għat-tneħħija tal-faqar fost it-tfal u għall-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal.

6.2   Riżorsi adegwati

6.2.1   Għal familji bit-tfal, irid jiġi stabbilit dħul minimu għall-familja bis-saħħa ta’ trasferimenti ta’ flus li jiddipendu fuq l-istat tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, appoġġ finanzjarju jista’ jiġi ggarantit għat-tfal kollha permezz ta’ krediti fiskali u/jew benefiċċji universali ta’ flus.

6.2.2   Benefiċċji universali għat-tfal għandhom jiġu studjati iktar bħala mezz ewlieni kif jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, meta wieħed iqis l-effiċjenza globali fl-amministrazzjoni, in-nuqqas ta’ stigma soċjali u l-utilizzazzjoni frekwenti skont l-analiżi tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (2008).

6.2.3   Billi t-tfal li jgħixu f’familji mingħajr xogħol jiffaċċjaw periklu kbir ħafna ta’ faqar, irid ikun hemm mira sabiex titnaqqas id-differenza fil-faqar għal familji bla xogħol u dawk li jgħixu fil-faqar waqt li jkollhom xogħol, sabiex jitnaqqas il-livell ta’ faqar esperjenzat mit-tfal. Politiki tas-suq tax-xogħol attivi għandhom jappoġġjaw l-impjieg tal-ġenituri u jrid ikun hemm servizzi ta’ kwalità, bħall-kura tat-tfal, li huma lokali, aċċessibbli anke fil-prezz.

6.2.4   Swieq tax-xogħol inklużivi jridu jipprovdu impjiegi ta’ kwalità għall-ġenituri. Sabiex jiġi żgurat li l-ġenituri jqattgħu ħin mat-tfal irid ikun hemm politiki li jippromovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja.

6.2.5   Għat-tfal li jesperjenzaw faqar estrem, huma meħtieġa l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz ta’ linji ta’ politika soċjali mfasslin tajjeb, u t-tisħiħ tal-isforzi immirati lejn eżiti edukattivi b’suċċess għal kull tifel u tifla, sabiex it-trasmissjoni tal-faqar u l-esklużjoni ma tgħaddix għall-ġenerazzjoni ta’ wara. Politiki tal-inklużjoni u kontra d-diskriminazzjoni jridu jiġu msaħħa, b’mod speċjali fir-rigward tal-immigranti u d-dixxendenti tagħhom u tal-minoranzi etniċi.

6.3   Tfulija bikrija

6.3.1   Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Eurochild li s-servizzi tal-kura tat-tfal iridu jitwessgħu sabiex jadottaw il-kunċett inklużiv ta’ servizzi minn qabel it-twelid sal-livell ta’ qabel l-iskola (preschool) li jkunu miftuħa għat-tfal u l-familji kollha. Il-Eurochild isostni li l-miri ta’ Barċellona jinjoraw ħafna mill-prattiki tajba fil-qasam tal-politika dwar it-tfulija bikrija. Il-KESE jirrakkomanda li fir-rigward tal-miri ta’ Barċellona, hemm il-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ “standards ta’ kwalità” komuni tal-UE għal servizzi għall-ewwel snin ta’ ħajja, inklużi kura u edukazzjoni għas-snin bikrija kif identifikati min-Netwerk tal-Kura tas-Saħħa tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-politiki u l-prattiki nazzjonali, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali.

6.4   Is-Saħħa

6.4.1   Il-KESE jirrakkomanda li l-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar l-Indikaturi tas-Saħħa għandu jiżviluppa indikaturi fir-rigward tat-tfal sabiex jiġu sorveljati u evalwati l-politiki tas-saħħa pubblika u l-impatt tagħhom.

6.4.2   Għandhom jiġu żviluppati indikaturi tas-saħħa mentali għal saħħa mentali pożittiva u problemi mentali fit-tfal.

6.4.3   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Inugwaljanzi fis-Saħħa, li hija mistennija għall-2012, għandha tindirizza s-saħħa tat-tfal.

6.5   Id-Djar

6.5.1   L-Istati Membri tal-UE għandhom jimplimentaw l-impenji u l-azzjonijiet miftiehma waqt il-Ħames Konferenza Ministerjali dwar l-Ambjent u s-Saħħa f’Marzu 2010 fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa dwar l-Ambjent u s-Saħħa tat-Tfal.

6.5.2   Il-Kummissjoni Ewropea għandha taqbel mal-Istati Membri dwar qafas komuni u linji gwida komuni għall-kejl, il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ dwar min m’għandux dar u dwar l-esklużjoni fil-qasam tad-djar, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari liċ-ċirkostanzi tat-tfal.

6.5.3   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġja u tiffinanzja inizjattivi sabiex tgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jagħlqu istituzzjonijiet residenzjali għat-tfal li huma ta’ kwalità ħażina, u jiżviluppaw minflok alternattivi adatti.

6.6   Protezzjoni mill-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament

6.6.1   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja, flimkien mal-partijiet interessati kollha rilevanti, il-fattibilità li tiġi stabbilita sensiela ta’ indikaturi dwar il-vjolenza kontra t-tfal, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal, li tkopri kwistjonijiet ta’ identifikazzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni u prevenzjoni, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju mill-2009 tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali dwar l-indikaturi.

6.6.2   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali sabiex jgħinu lit-tfal u jipproteġuhom minn kull forma ta’ vjolenza, inklużi miri ċari u allokazzjonijiet baġitarji, kif ukoll mekkaniżmi fil-livell lokali fejn it-tfal jew oħrajn ikunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta’ vjolenza.

6.7   Miżuri li fil-qofol tagħhom orjentati lejn it-tfal

6.7.1   Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet mal-programm “Nibnu Ewropa għat-Tfal, Magħhom” tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn l-enfasi hija fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal.

6.7.2   L-indikaturi attwali li ġew miftiehma fir-rigward tad-dħul u l-privazzjoni materjali jeħtieġ li jitwessgħu sabiex jinkludu indikaturi li fil-qofol tagħhom jenfasizzaw iktar it-tfal. Huwa importanti li l-indikaturi jirriflettu l-istadji varji ta’ żvilupp fit-tfulija, u b’hekk jirriflettu d-dimensjonijiet l-iktar rilevanti u jkopru kull età rilevanti tat-tfal. L-istudju Tarki/Applica jirrakkomanda dawn il-gruppi skont l-età: 0-5, 6-11, 12-17, u għandhom jinkludu dimensjonijiet bħad-dħul, il-privazzjoni materjali, l-edukazzjoni, id-djar, is-saħħa, ir-riskji, il-parteċipazzjoni soċjali.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Skont id-definizzjoni tal-UE, persuni “fil-periklu tal-faqar” huma dawk li jgħixu f’familja fejn id-dħul totali huwa ekwivalenti għal 60 % tal-medjan nazzjonali ta’ dħul ta’ familja waħda (l-iskala ta’ ekwivalenza li tintuża hija dik modifikata tal-OECD).

(2)  Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 23/24 Marzu 2006, konklużjonijiet tal-Presidenza, 7775/1.06 riv. 1. pt. 72.

(3)  Ara s-sit tal-internet tal-Ewrostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Komunitajiet Ewropej: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/themes.

(4)  Tfal “fil-periklu tal-faqar” huma dawk li jgħixu f’familja li hija “fil-periklu tal-faqar”, jiġifieri familja fejn id-dħul totali ekwivalenti huwa inqas minn 60 % tal-medjan nazzjonali ekwivalenti ta’ dħul ta’ familja.

(5)  Id-“differenza medjana relattiva ta’ periklu ta’ faqar” (hawnhekk: id-differenza fil-periklu ta’ faqar) tkejjel id-distanza bejn id-dħul medjan ekwivalentizzat ta’ persuni li jgħixu taħt il-livell ta’ periklu ta’ faqar u l-valur ta’ dak il-limitu ta’ periklu ta’ faqar; hija espressa bħala persentaġġ tal-limitu.

(6)  Ara s-sit tal-internet tal-Ewrostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/themes.

(7)  Din ix-xejra hija rinforzata mir-rapport tal-2007 tan-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali li waslu għall-konklużjoni li “Żewġ gruppi ta’ tfal jieħdu prominenza f’għadd sinifikanti ta’ pajjiżi li qed jiffaċċjaw periklu għoli ħafna u li jesperjenzaw faqar sever u l-esklużjoni soċjali: tfal li jgħixu ġo jew li jitilqu minn istituzzjonijiet u t-tfal Roma. Madankollu, hemm ukoll għadd ta’ sitwazzjonijiet oħrajn li huma enfasizzata kemm-il darba: tfal li jiġu sfruttati fix-xogħol tat-tfal, tfal li huma vittmi tal-vjolenza, tal-abbuż sesswali, tat-traffikar, tal-vizzji u li huma involuti fil-kriminalità, tfal b’diżabilitajiet, minorenni mhux akkumpanjati, tfal f’familji bla dar u tfal tat-triq.” (Frazer and Marlier, 2007).


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 44/07

Relatur: is-Sur SALVATORE

Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBÓN

F’ittra datata d-9 ta’ Frar 2010, is-Sur Paul MAGNETTE, Ministru tal-Klima u tal-Enerġija, f’isem il-Presidenza tal-Belġju, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jfassal opinjoni esploratorja dwar:

L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Lulju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’89 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kuntest globali li fih saret it-talba tal-Presidenza Belġjana għal analiżi tal-bidliet industrijali fil-qasam tal-impjiegi kkawżati mill-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima, huwa wieħed ikkaratterizzat minn falliment triplu jew biex nużaw terminu inqas aggressiv, minn tliet xenarji negattivi f’nofs kriżi ekonomika kolossali.

A.

Fl-Unjoni Ewropea, l-oġġettivi tajbin tal-Istrateġija ta’ Lisbona bilkemm intlaħqu.

B.

Kriżi enormi kissret is-settur finanzjajru, kriżi li rriżultat minn regolazzjoni xejn funzjonali u monitoraġġ inadegwat.

C.

Is-summit tan-NU f’Kopenħagen bil-għan li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar il-klima li jieħu post il-protokoll ta’ Kjoto kellu riżultati wisq insuffiċjenti.

1.2

L-UE għandha tikkontribwixxi b’mod effettiv għal tnaqqis globali tat-tibdil fil-klima u tiżviluppa l-ekonomija tagħha u s-suq tax-xogħol bil-għan li tilħaq l-oġġettivi ta’ Lisbona matul id-deċennju l-ġdid, tikseb pożizzjoni kompetittiva fil-livell globali u taħdem sabiex jinqered il-qgħad tal-massa fl-Ewropa.

1.3

Il-Kumitat u fi ħdanu s-CCMI għamlu bosta kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-isifida tal-enerġija, il-klima, is-sostenibbiltà, il-bidliet industrijali u l-impjiegi. Dawn huma, fost opinjonijiet oħra: CCMI/002, 024, 027, 029, 045, 052 u 053; ECO/267; NAT/392, 440 u 453; TEN/401. Din l-opinjoni ssegwi loġika orizzontali fit-trattament tal-problema iżda huwa ċar ukoll li hemm bżonn ta’ studji reġjonali u settorjali sabiex jiġu kkonkretizzati l-ideat żviluppati hawn, b’mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi.

1.4

L-Istrateġija 2020 tal-Unjoni Ewropea għandha tpatti għall-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Hija għalhekk opportunità ġdida sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-SMEs. Il-KESE jipproponi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika fil-livell Ewropew u li tiġi promossa idea komuni ġdida tal-kunċett tal-kompetittività.

1.5

L-UE għandha bżonn governanza ekonomika msaħħa fl-istituzzjonijiet tagħha (jiġifieri riflessjoni dwar it-trasferminet tas-sovranità lill-istituzzjonijiet Ewropej f’ċerti oqsma tal-politika ekonomika) sabiextiffavorixxi l-bidliet industrijali li jiġġeneraw ekonomija Ewropea iktar ħadra u impjiegi sostenibbli.

1.6

L-iżvilupp demografiku, il-problemi ambjentali b’mod partikolari fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina, in-nuqqas ta’ ilma tax-xorb f’bosta pajjiżi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma evoluzzjonijiet li jiffavorixxu t-talba globali għal prodotti u teknoloġiji “ħodor” kif ukoll il-ħolqien ta’ “impjiegi sostenibbli”. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat bl-istess mod ukoll il-fatt li r-riservi li nafu bihom tal-materja prima li jiġġeneraw l-enerġija mhumiex infiniti.

1.7

Strateġija tal-impjieg ibbażata fuq ekonomija sostenibbli tista’ tinbena fuq l-għarfien u l-esperjenza żviluppati tajjeb fl-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ li l-UE, li tant għandha bżonn ta’ impjiegi kwalifikati, tippromovi dawn il-vantaġġi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom u fost affarijiet oħra jippromovu x-xjenzi, t-teknoloġija u l-inġinerija. Il-KESE jqis li l-livell attwali ta’ investiment pubbliku fl-edukazzjoni mhuwiex biżżejjed u li għandu jagħmel parti minn strateġija koerenti ta’ tagħlim tul il-ħajja.

1.8

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw transizzjonijiet industrijali li ma jmorrux kontra l-għanijiet tagħhom taż-żamma u l-ħolqien tal-impjieg.

1.9

Ekonomija ħadra li tikkonsisti f’livell għoli ta’ riċerka u ta’ applikazzjoni ta’ konoxxenzi ġodda u li timmira li żżid il-kompetittività għandu jkollha konsegwenzi fuq is-suq tax-xogħol bil-ħolqien ta’ impjiegi li jirrikjedu l-kwalifiki, impjiegi stabbli u tnaqqis fir-riskju tax-xogħol prekarju. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom.

1.10

Is-settur pubbliku jaqdi rwol importanti fl-appoġġ tar-riċerka u fejn jidħlu l-użu effettiv tat-teknoloġiji ħodor ġodda u t-titjib tat-teknoloġiji ħodor eżistenti li huma effikaċi, partikolarment permezz tal-istrumenti fiskali. Għalhekk il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali jirrikjedi setturi pubbliċi f’saħħithom u kkwalifikati b’mod adegwat. Mhuwiex dejjem fl-interess ġenerali li dan jiddgħajjef b’riżultat tal-privatizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha. Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn reviżjoni tal-qafas regolatorju tas-swieq ħielsa tal-enerġija bil-għan li tiġi żgurata ż-żamma tal-interess ġenerali.

1.11

L-impjiegi l-ġodda ser jinħolqu mis-settur privat u fuq kollox mill-SMEs. Ir-rwol tas-settur pubbliku ser ikun ukoll li joħloq qafas stabbli u kostruttiv fil-livell Ewropew li jippermetti lill-intrapriżi li jottimizzaw it-transizzjoni lejn ekonomija iktar ħadra, li taħdem aħjar u li toffri ħafna impjiegi sostenibbli.

1.12

Il-KESE jipproponi li jinħoloq fond Ewropew speċifiku li jappoġġja l-bidliet industrijali u b’mod partikolari ir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji ħodor kemm it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll it-teknoloġiji l-ġodda li jippermettu t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet fl-industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija.

1.13

Il-Kumitat ifakkar li l-UE għandha bżonn bażi industrijali solida li hija indispensabbli sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-impjiegi sostenibbli. Ħafna impjiegi, anki dawk fis-servizzi jiddependu mis-suċċess tal-industija Ewropea. Huwa għalhekk li l-bidliet industrijali jvarjaw minn settur għal ieħor u minn reġjun għal ieħor u għandhom iseħħu bil-mod sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi fuq is-swieq tax-xogħol u mingħajr ma jiġi kompromess in-netwerk industrijali indispensabbli. Mhijiex kwistjoni ta’ ħolqien ta’ ostakli għall-politiki ambjentali iżda iktar kwistjoni tal-ġestjoni tagħhom b’mod iktar soċjalment sostenibbli.

1.14

Il-KESE jirrakkomanda li r-riforma tal-politika agrikola komuni wara l-2013 tqis l-importanza tal-agrikoltura u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sinerġiji neċessarji ma’ politiki komunitarji oħra fil-qasam tar-riċerka, tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-modernizzazzjoni industrijali.

1.15

L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjajri. Id-dħul minn din it-taxxa għandu jintuża sabiex jitnaqqas id-defiċit fil-baġits pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk dawn jingħataw iktar spazju sabiex, pereżempju, jiffinanzjaw aħjar is-sistemi edukattivi tagħhom.

1.16

Il-bidliet industrijali għal ekonomija ħadra jitolbu formulazzjoni totalment ġdida tal-kunċetti tat-tkabbir u l-kompetittività. Il-KESE diġà esprima ruħu favur approċċ ġdid sabiex jitkejjel il-progress ekonomiku u soċjali. Huwa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-bidliet industrijali u l-impjieg mhux ser ikunu kompatibbli mal-għanijiet tas-sostenibbiltà jekk l-UE u l-bqija tad-dinja ma jilħqux ftehim dwar idea ġdida tat-tkabbir. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija 2010 mhix biżżejjed.

1.17

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet Ewropej li jaħdmu favur kundizzjonijiet ugwali fil-livell globali sabiex b’hekk jiġu evitati r-rilokazzjonijiet jew it-tneħħija ta’ setturi sħaħ, li huma ta’ ħsara għall-impjiegi u għall-ambjent.

1.18

Bħala l-vuċi istituzzjonali tas-soċjetà ċivili Ewropea u forum importanti għad-djalogu strutturat, il-KESE jaħdem favur il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini Ewropej fid-dibattitu kbir u neċessarju dwar il-bidliet industrijali, l-impatt tagħhom fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll fuq ir-ritmu u r-riperkussjonijiet soċjali u globali tagħhom.

2.   L-ambitu tal-opinjoni

2.1

Il-Presidenza tal-Belġju talbet li dan id-dokument ikun ta’ natura politika u li jiftaħ direzzjonijiet ġodda ta’ riflessjoni. Skont ir-rappreżentanti tal-Presidenza, l-approċċ ta’ dan it-test m’għandux ikun settorjali iżda orizzontali u ġenerali. Dan mhuwiex studju iżda strateġija politika. Il-Presidenza tal-Belġju qed tipprevedi li teżamina din l-opinjoni matul il-Kunsill informali tal-Ministri tal-Enerġija.

2.2

L-isfidi relatati mal-ekoloġija u l-klima huma dawk li ffurmaw il-bażi tal-istqarrijiet tal-Kunsill Ewropew fis-summit ta’ Kopenħagen. L-isfida tal-enerġija għandha bosta dimensjonijiet. L-aċċess tal-Ewropej għar-riżorsi tal-enerġija għandu jiġi żgurat fil-qafas tal-politika internazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Dan l-aspett mhux indirizzat f’din l-opinjoni li tittratta l-isfidi relatati mal-enerġija fil-qafas tal-bidliet industrijali kkawżati mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tagħhom fuq l-impjiegi fl-Ewropa.

2.3

Din l-opinjoni tuża l-kelma “aħdar” (u l-varjanti tagħha) sabiex tiddeskrivi oġġetti jew metodi tal-produzzjoni relatati mal-loġika tas-sostenibbiltà li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tisħin globali tal-klima. Il-KESE jinkoraġġixxi li l-ekonomija ssir iktar ħadra u fir-rigward tas-swieq tax-xogħol jitlob li jinħolqu kemm jistgħu impjiegi ħodor (inkluż it-taħriġ/il-kwalifiki) meħtieġa biex jinkiseb dan ir-riżultat, jiġifieri impjiegi li huma kemm ta’ kwalità fejn jidħol il-livell ta’ kwalifiki, kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu l-inklużjoni soċjali (ara l-opinjoni TEN/401 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” li tikkwota d-definizzjoni ta’ impjiegi ħodor tad-direttur tad-Dipartiment tal-Analiżi tal-Ekonomija u tas-swieq tax-xogħol tal-BIT b’risposta għal inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni Ewropea. F’dan il-kuntest il-KESE jfakkar l-opinjoni tiegħu tal-2009 dwar il-“flessigurtà” (1).

3.   L-isfidi, il-kisbiet u opportunità ġdida

3.1

Jeħtieġ li nfakkru fil-qosor il-kuntest globali li fih saret it-talba tal-Presidenza Belġjana. Dan il-kuntest jikkorrispondi għal sfidi li jistgħu jinġabru fi tliet aspetti negattivi relatati.

L-isfidi - il-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona

3.2

L-Istrateġija ta’ Lisbona hekk kif ġiet definita fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2000, immirat li “l-UE ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, msejsa fuq l-għarfien, kapaċi li ssostni tkabbir ekonomiku b’aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar u b’aktar koeżjoni soċjali”.

3.3

Fil-bidu tal-2010, il-Kumitat jeħtieġlu josserva li sfortunatament dawn l-objettivi, magħżula tajjeb u meħtieġa, ma ntlaħqux. L-ikbar problemi jinsabu fil-qasam tal-impjiegi. L-Istrateġija ta’ Lisbona mmirat fost affarijiet oħra fuq l-effetti pożittivi fuq l-impjiegi ta’ ekonomija iktar kompetittivà.

L-isfidi - il-falliment tar-regoli tas-suq finanzjarju

3.4

It-tkabbir ekonomiku ta’ bejn l-2005 u l-2008 kien riżultat ta’ bosta fatturi. Il-pajjiżi Ewropej orjentati lejn l-esportazzjoni tal-oġġetti industrijali proftittaw mid-domanda kbira tal-pajjiżi tal-Asja, prinċipalment iċ-Ċina. Ċerti pajjiżi Ewropej raw tkabbir li issa nafu li xejn ma kien sostenibbli fis-setturi tal-ispekulazzjoni finanzjarja u tal-bini. Il-progress sar abbażi ta’ domanda esterna u ta’ livell għoli ta’ spekulazzjoni fis-settur tal-proprjetà. Dan ma kienx tkabbir sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. It-tkabbir sostenibbli u s-swieq tax-xogħol effiċjenti jiddependu kemm mill-esportazzjoni kif ukoll mid-domanda interna.

3.5

Il-kriżi finanzjarja gloabli temmet kull tama marbuta mal-Istrateġija ta’ Lisbona. Din kienet falliment totali. Il-qgħad fl-Ewropa qed ikompli jiżdied u tmiem-il kriżi għadu ma jidhirx. Is-soċjetà tat-tkabbir għadha ma saritx realtà fid-dawl tad-diffikultatjiet ta’ bosta Stati Membri fis-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom u l-ammont ta’ PDG li jmur għar-riċerka fl-UE, li f’ħafna pajjiżi ma jilħaqx l-objettivi ta’ Lisbona fil-qasam. Id-dejn pubbliku, u f’ċerti każijiet id-dejn privat, qed jilħqu livell tant għoli fl-Unjoni Ewropea li ċerti Stati Membri jinsabu fil-periklu li jfallu. Jeħtieġ li s-soluzzjoni għal dawn il-problemi, il-qligħ u l-infiq ma jostakolawx l-investimenti importanti.

L-isfidi - il-falliment tas-summit ta’ Kopenħagen

3.6

Il-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg żied dimensjoni ġdida għall-Istrateġija ta’ Lisbona. L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ngħaqdet mal-Istrateġija ta’ Lisbona. L-idea globali kienet analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-politiki Ewropej inkluż l-ewwel u qabel kollox id-dimensjoni globali tat-tibdil fil-klima.

3.7

In-NU pruvat tilħaq ftehim globali f’Kopenħagen bejn is-7 u t-18 ta’ Diċembru 2009 sabiex issaħħaħ il-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima ikkawżat, skont l-analiżi tal-maġġoranza tax-xjentisti, mill-emmissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra. Il-192 pajiż li rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (CCUNCC) tal-1997 ippruvaw għalxejn li jerġgħu jinnegozjaw ftehim internazzjonali dwar il-klima li jieħu post il-protokoll ta’ Kjoto li ilu fis-seħħ mill-2005.

3.8

Huwa ċar li t-tibdil fil-klima u t-tniġġis ambjentali, b’mod partikolari fil-bliet il-kbar, huma problema kbira. Barra minn hekk l-evoluzzjoni demografika fil-livell globali titlob risposti urġenti. Disa’ biljun persuna ma jistgħux jgħixu jekk ir-riżorsi ma jintużawx b’mod iktar sostenibbli u ġust. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ enerġija u tal-aċċessibbiltà tagħha ser titfaċċa iktar jekk is-soċjetajiet ma jsibux risposti intelliġenti qabel ma jkun tard wisq. F’din is-sitwazzjoni, hemm bżonn li jintużaw it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet eżistenti, bħal pereżempju dawk li permezz tagħhom tkun tista’ titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini eżistenti. Barra minn hekk, teknoloġiji ġodda huma indispensabbli b’mod partikolari għall-industriji li jużaw ħafna enerġija iżda hemm bżonn li tiżviluppa wkoll kuxjenza ġdida dwar l-assi pubbliċi bħall-ilma, li hemm bżonn jiġi ġestit u kkonservat aħjar, filwaqt li l-aċċess għalih għandu jitqies bħala dritt tal-bniedem.

3.9

Din id-dimensjoni globali hija sinifikanti għax toffri opportunitajiet għal industrija innovattiva fl-Ewropa li hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ kompetittività fejn jidħol is-suq tal-oġġetti u s-servizzi “ħodor”. Billi tiddefendi l-pożizzjoni favorevoli tagħha mingħajr inġenwità fil-livell internazzjonali, l-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tiżviluppa l-ekonomija u s-suq tax-xogħol tagħha bil-għan li tilħaq l-oġġettivi ta’ Lisbona.

L-isfidi - il-punti ta’ referenza tal-Kumitat

3.10

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kumitat u fi ħdanu s-CCMI għamlu bosta kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-isifida tal-enerġija, il-klima, is-sostenibbiltà, il-bidliet industrijali u l-impjiegi. Din l-opinjoni tqis din il-ħidma importanti. L-elementi l-ġodda ġejjin mill-fatt li ġew ikkunsidrati t-tliet fallimenti (tal-Istrateġija ta’ Lisbona, tar-regoli tas-swieq finanzjarji u tal-konferenza ta’ Kopenhagen) li ġew deskritti hawn fuq.

3.11

Il-KESE diġà enfasizza l-bżonn li l-kompetittività tingħaqad mal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali (2).

3.12

Il-KESE jqis li l-istrateġija tal-impjiegi ma tistax tiġi indirizzata mingħajr ma jitqies ukoll il-kuntest makroekonomiku (3).

3.13

Il-KESE fakkar li l-ipoteżi dwar bidla globali fil-klima kkważata mill-bniedem b’riżultat taż-żieda fil-gassijiet b’effett ta’ serra ġiet validata mid-deċiżjonijiet ta’ politika tal-Istati involuti u mill-Unjoni Ewropea. (4)

3.14

Is-CCMI irrefera wkoll għat-tema tal-iżvilupp sostenibbli u tal-bidliet industrijali bil-għan li jikkunsidra kif l-iżvilupp sostenibbli, hekk kif jiddeskrivih Brundtland, jista’ jkun katalista tal-bidliet industrijali. Id-definizzjoni tal-iżvilupp sostenibbli li ppreżentat il-Kummissjoni Globali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp fl-1987 fir-rapport ta’ Brundtland hija wkoll il-bażi ta’ din l-opinjoni.

3.15

Il-Kumitat adotta opinjoni fejn osserva “revoluzzjoni industrijali ġdida, fejn fil-qalba tal-iżvilupp qed jitpoġġew il-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent”. (5)

3.16

Il-KESE enfasizza li bażi industrijali solida hija kruċjali għall-mudell soċjali Ewropew. Huwa jwissi kontra “r-rilokazzjoni potenzjali tal-industrija li tuża ħafna enerġija barra mill-UE [li] tnaqqas b’mod sinifikanti l-attrazzjoni taż-żoni industrijali Ewropej u twassal għal tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi” (6). F’dan il-kuntest il-KESE ser isegwi b’interess il-konkretizzazzjoni tal-inizjattivi prinċipali “Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi” u “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” li jinsabu fl-Istrateġija UE 2020.

3.17

Il-KESE jitlaq mill-punt li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) mhuwiex indikatur adatt “għat-tfassil tal-linja politika li għandha tittieħed sabiex negħlbu l-isfidi tas-seklu 21” (7). Il-Kumitat adotta opinjoni fejn jirrakkomanda li l-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex tinkludi miżuri ġodda fl-istrateġija 2020 “sabiex sal-2011 jiġi stabbilit qafas li jippermetti li jitħejjew proposti ċari għal azzjonijiet kumparabbli fil-livell dinji biex jitressqu fis-summit dinji għall-iżvilupp sostenibbli li ser torganizza n-NU fl-2012”. (8)

3.18

Fir-rigward tal-Istrateġija “Europe 2020” il-Kumitat jitlob li jingħata prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. (9)

3.19

Il-KESE kkritika l-Kummissjoni li ma għamlitx iktar biex tiżviluppa l-analiżi tagħha madwar temi prinċipali tal-futur jiġifieri “ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u riżorsi naturali oħrajn, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-iżvilupp sostenibbli (10)”. Sabieħ jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-istrateġija tal-iżvilipp sostenibbli tal-UE għandha bżonn “struttura ta’ governanza kompletament ġdida” (11). Il-KESE ħass li kien hemm bżonn li jinstab mod ġdid ta’ kif jitkejjel il-progress fil-benesseri tal-bniedem.

3.20

Fl-aħħar il-KESE jfakkar li l-pajjiżi industrijali l-iktar żviluppati tad-dinja għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra b’mill-inqas 80 % minn issa sal-2050.

Opportunità ġdida: l-istrateġija “Ewropa 2020”

3.21

L-Istrateġija UE 2020 għandha tpatti għall-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat Komunikazzjoni fejn iddeskriviet l-approċċ il-ġdid li ser imexxi l-bidliet soċjoekonomiċi tal-UE (COM(2010) 2020). Il-Kummissjoni tistqarr li trid tfassal strateġija li tbiddel lill-UE “f’ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali.” Il-KESE jistqarr li t-termini użati fl-2000 għall-istrateġija preċedenti ġew abbandunati. Skont il-Kummissjoni l-UE għandha tippromovi ekonomija iktar ħadra fost affarijiet oħra permezz ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 3 % tal-PDG, rata ta’ 75 % tal-impjieg fost il-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn 20-64 u importanti fil-kuntest ta’ din l-opinjoni, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, l-1990. Il-Kummissjoni tixtieq li l-kwalità tal-edukazzjoni tissaħħaħ sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti bbażat fuq titjib fil-kompetittività “fil-konfront tas-sħab kummerċjali tagħna permezz ta’ livelli aktar għoljin ta’ produttività”. L-UE għandha żżomm ir-rwol mexxej tagħha fis-suq tat-teknoloġiji ħodor iżda l-vantaġġ tat-teknoloġiji ħodor fis-suq qiegħed jiġi “sfidat mill-kompetituri tagħha prinċipalment iċ-Ċina u l-Amerika ta’ Fuq”.

3.22

L-ewwel reazzjonijiet jirriflettu diżappunt fid-dawl ta’ dak li kienu qed jistennew iċ-ċittadini Ewropej mill-gvernijiet tagħhom u tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, mill-gvernanza Ewropea. Ir-rappreżentanti tal-gruppi fil-Parlament Ewropew iddeskrivew l-istrateġija tal-Kummissjoni bħala waħda xejn ambizzjuża u mhux biżżejjed sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali u tal-futur.

3.23

Il-KESE huwa tal-fehma li r-rwol determinanti tal-SMEs għandu jissaħħaħ fl-Istrateġija UE 2020 għax huma l-SMEs li joħolqu l-ikbar ammont ta’ impjiegi fl-Ewropa u huma bla dubju l-mutur tal-bidliet industrijali. Għalhekk il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha favur l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li minnha għandhom japprofittaw l-SMEs, għax ħafna drabi dawn ma jkollhomx mezz kif iħarsu l-invenzjonijiet tagħhom.

3.24

Il-KESE jipproponi li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika fil-livell Ewropew u jippromovi kunċett ġdid u komuni tal-kompetittività. Huwa għalhekk li l-bidliet industrijali li qed iseħħu huma importanti sabiex

jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra,

jintużaw aħjar ir-riżorsi naturali u

tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-enerġija,

jistgħu joħolqu iktar xogħlijiet ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri tal-UE sakemm is-sistemi edukattivi jiġu mtejba u sakemm jiżdiedu wkoll l-investimenti fir-riċerka.

4.   Fil-livell Ewropew, kif jistgħu jiġu faċilitati l-bidliet industrijali li jappoġġjaw l-għanijiet fil-qasam tal-klima u l-impjieg?

4.1

L-UE għandha bżonn governanza ekonomika msaħħa kemm fl-istituzzjonijiet tagħha (jiġifieri riflessjoni dwar it-trasferminet tas-sovranità lill-istituzzjonijiet Ewropej f’ċerti oqsma tal-politika ekonomika) kemm fil-livell tal-Kunsill Ewropew kif ukoll fil-livell tal-grupp tal-Euro. Il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja juru li hemm bżonn ta’ iktar koordinazzjoni sabiex tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq intern u jiġu favoriti l-bidliet industrijali li permezz tagħhom l-ekonomija Ewropea ssir iktar ħadra u jinħolqu impjiegi sostenibbli.

4.2

L-impjiegi sostenibbli għandhom futur għax ser jirriżultaw mill-bidliet globali li ser isiru sfidi li jkollhom jiġu affaċjati fil-livell tal-UE u mhux biss fil-livell tal-Istati Membri. Dawn il-bidliet huma:

l-iżvilupp demografiku u l-isfida li jintemgħu 9 biljun ruħ sal-2050,

iktar bliet enormi (mega-cities) li jiġġeneraw ħafna problemi ambjentali l-iktar fl-Asja u fl-Amerika Latina,

in-nuqqas ta’ ilma tax-xorb f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw,

il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġifieri t-tnaqqis tal-emissjonijiet u fuq kollox l-użu intelliġenti u sostenibbli tat-teknoloġiji tal-enerġija u tar-riservi li qed jispiċċaw tal-karburanti fossili u l-produzzjoni tal-enerġija alternattiva.

4.3

Dawn il-bidliet indisputabbli jiffavorixxu d-domanda għal prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi u konsegwentement industrija moderna li tippromovi impjiegi sostenibbli. Dawn l-impjiegi ser ikunu ekwi, produttivi u jiggarantixxu transizzjoni ġusta u kompetittività kbira. Min-naħa l-oħra din mhux ser tiġi minn loġika kwantitattiva tat-tkabbir ekonomiku bbażat fuq industriji li jużaw ħafna enerġija iżda minn loġika ta’ sostenibbiltà. Għal darb’ oħra jidher ċar li hemm bżonn ta’ approċċ strateġiku settorjali. Huma prinċipalment is-setturi industrijali u teknoloġiċi bażiċi pereżempju tal-bini, tal-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija iżda wkoll tat-teknoloġiji ħodor il-ġodda li jistgħu jimmultiplikaw l-effett tal-bidliet industrijali lejn ekonomija iktar umana u iktar ħadra.

4.4

Dawn il-bidliet industrijali ser jikkontribwixxu wkoll għall-istabbiltà tas-soċjetajiet u s-sigurtà internazzjonali għax l-impatt negattiv tat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta’ provvista u ż-żieda fil-popolazzjoni globali huma riskji kbar għall-paċi fis-seklu 21. L-isfidi f’dan il-livell huma tant li s-soluzzjonijiet ma jistgħux jinstabu fil-livell nazzjonali iżda biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-livell internazzjonali u fl-UE. L-ispjazu integrat tal-UE għandu jkollu l-mezzi ta’ politika u legali neċessarji sabiex ikun jista’ jaqdi din il-missjoni.

4.5

Strateġija tal-impjiegi bħal din toffri gwadann kemm f’termini ta’ produzzjoni kif ukoll f’termini ta’ profitt fil-perijodu medju u fit-tul. Illum hija tista’ tinbena fuq l-għarfien u l-esperjenza żviluppati tajjeb fl-Istati Membri tal-UE u fuq il-parteċipazzjoni fis-suq globali fil-qasam tat-teknoloġiji ħodor. Dawn l-aspetti pożittivi għandhom jiġu promossi mill-UE permezz ta’ linji gwida, ta’ fondi Ewropej u bi ftehim bejn l-imsieħba soċjali (b’mod partikolari, ftehimiet fil-qafas ta’ Artikolu 155 tat-TFUE) permezz ta’ leġislazzjoni Ewropea li tħejji t-transizzjoni lejn ekonomija sostenibbli b’suq tax-xogħol ikkaratterizzat minn livell ta’ qgħad baxx u impjiegi ta’ kwalità. Ekonomija ħadra li tikkonsisti f’livell għoli ta’ riċerka u ta’ applikazzjoni ta’ għarfien ġdid għandu jkollha konsegwenzi pożittivi fuq is-suq tax-xogħol bil-ħolqien ta’ impjiegi li jirrikjedu l-kwalifiki, impjiegi stabbli u tnaqqis fir-riskju tax-xogħol prekarju.

4.6

Dawn il-konsegwenzi pożittivi għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità aktar milli għall-ħolqien ta’ impjiegi atipiċi, jew prekarji bħal dawk li żviluppaw f’ċerti setturi tas-suq tas-servizzi. Impjiegi prekarji bħal dawn ma jiffavorixxux it-tisħiħ tas-soċjetà tal-għarfien li hija mingħajr dubju kundizzjoni importanti għal ekonomija kompetittiva u sostenibbli. L-UE teħtieġ minflok impjiegi kwalifikati. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom. Il-KESE jqis li l-livell attwali ta’ investiment pubbliku fl-edukazzjoni mhuwiex biżżejjed u għandu jagħmel parti minn strateġija koerenti ta’ tagħlim tul il-ħajja.

4.7

L-idea tal-kompetittività għandha tiġi riveduta fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni mhix ambizzjuża biżżejjed fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2010. L-investimenti fit-teknoloġiji ambjentali l-ġodda flimkien ma użu aħjar ta’ dawn li jeżistu diġà jitolbu dejjem sforz fil-preżent li mhux bilfors iżid il-kompetittività mill-ewwel iżda fuq perijodu itwal ta’ żmien.

4.8

L-UE għandha tirrevedi l-idea tagħha tar-rwol li taħseb li jista’ jaqdi s-settur pubbliku fl-Istati Membri fil-promozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, il-bidliet industrijali u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli. Is-settur pubbliku jista’ jkollu l-kapaċità jinvesti fuq perijodu twil fil-promozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda li ma jrendux profitt mill-ewwel iżda li huma promettenti għall-futur filwaqt li jippromovi wkoll b’mod adatt teknoloġiji effettivi li diġà jeżistu. Is-settur pubbliku jaqdi rwol importanti fl-appoġġ tar-riċerka u fejn jidħol l-użu effettiv tat-teknoloġiji l-ħodor ġodda u t-titjib fit-teknoloġiji l-ħodor effettivi li diġà jeżistu, partikolarment permezz tal-istrumenti fiskali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-ewwel jiżguraw investimenti li huma l-iktar effikaċji sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-produzzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-Fondi Ewropej imsemmija hawn taħt jistgħu jikkontribwixxu għal dan.

4.9

Għalhekk il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali jirrikjedi setturi pubbliċi f’saħħithom u kkwalifikati b’mod adegwat. Mhuwiex dejjem fl-interess ġenerali li dan jiddgħajjef b’riżultat tal-privatizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha. Is-settur pubbliku, u kull fejn ikun possibli, fi sħubija mas-settur privat, għandu jkun kapaċi jagħmel l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura pubblika għas-servizz taċ-ċittadini u tal-industrija Ewropea. Is-sussidji li minnhom jibbenefikaw biss ċerti intrapriżi għandhom jiġu evitati sabiex ma jitfixkilx it-tħaddim tas-suq. L-Istati Membri għandhom iktar jużaw strumenti fiskali sabiex jiffaċilitaw il-bidliet industrijali ħodor.

4.10

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija s’issa għadha la tat kontribut fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi u lanqas fit-tnaqqis tal-prezzijiet. Jeżisti riskju kbir ta’ investiment baxx fin-netwerks tal-enerġja. Il-qafas regolatorju tas-swieq liberalizzati għandu jiġi rivedut sabiex tinħoloq kompetizzjoni effettiva fl-interess taċ-ċittadini Ewropej, sabiex ikun hemm sigurtà tal-provvista u sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-klima.

4.11

Il-KESE jipproponi li jinħoloq fond Ewropew speċifiku li jappoġġja l-bidliet industrijali u b’mod partikolari ir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji ħodor, kemm teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll teknoloġiji ġodda li jippermettu tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet.

4.12

Il-Kumitat ifakkar li l-UE għandha bżonn bażi industrijali soda. Huwa jenfasizza li l-importanza soċjoekonomika tas-setturi industrijali li jużaw ħafna enerġija tvarja skont ir-reġjuni Ewropej. Għalhekk il-bidliet industrijali għandhom ikunu gradwali biex jippermettu t-transizzjoni u b’hekk jiġu evitati r-riperkussjonijiet negattivi fis-suq tax-xogħol tar-reġjuni kkonċernati. Il-provvista tal-enerġija hija kwistjoni strateġika għall-futur. Hemm bżonn ta’ iktar investiment f’teknoloġiji ġodda li jippermettu li tiżdied il-produttività b’mod effettiv meta mqabbel mal-enerġija użata u fl-istess waqt inaqqsu wkoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-impjiegi fl-industriji li jużaw ħafna enerġija jistgħu jsiru iktar sikuri jekk jittejjeb il-bilanċ fl-użu tal-enerġija tagħhom.

4.13

Il-KESE jirrakkomanda li r-riforma tal-politika agrikola komuni wara l-2013, li diġà kienet it-tema ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, u li dwarha kien hemm kunsens mifrux, għandha tiggarantixxi żvilupp li jirrifletti l-importanza tal-agrikoltura għaż-żoni rurali tal-UE (li jammontaw għal iktar minn 80 % tat-territorju tagħha) u l-impenji internazzjonali li ttieħdu fil-konfront tal-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp. Il-proċess ta’ reviżjoni għandu jagħti kontribut sabiex is-sinerġiji neċessarji jiġu ottimizzati filwaqt li l-politiki Ewropej l-oħra fl-oqsma tar-riċerka, it-teknoloġiji l-ġodda u l-modernizzazzjoni industrijali jingħataw spinta. Dan jgħodd b’mod partikolari għas-setturi u r-reġjuni li huma milquta b’mod partikolari mill-bidliet li qed iseħħu jiġifieri dawk li għandhom l-industriji li jużaw ħafna enerġija li għandhom jinvestu fit-teknoloġiji nodfa l-ġodda sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, bil-għan li jipproteġu l-impjiegi tagħhom.

4.14

L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjajri sabiex jevitaw l-effeti distruttivi tal-ispekulazzjoni u b’hekk jistabbilizzaw is-settur bankarju u fiż-żona tal-euro jsaħħu l-munita unika. Id-dħul minn din it-taxxa għandu jintuża sabiex jitnaqqas id-defiċit fil-baġits pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk dawn jingħataw iktar spazju sabiex pereżempju jiffinanzjaw aħjar is-sistemi edukattivi tagħhom. Finanzi pubbliċi sani u swieq tax-xogħol b’forza tax-xogħol ikkwalifikata huma l-bażi ta’ transizzjoni ħadra fl-industrija Ewropea.

4.15

Revoluzzjoni industrijali bħal din għandha konsewgenzi soċjali li ser joħolqu loġika ta’ sostenibbiltà. Il-bidliet industrijali għal ekonomija ħadra jitolbu formulazzjoni totalment ġdida tal-kunċetti tat-tkabbir. Illum-il ġurnata ċ-ċittadin huwa definit mill-kapaċità tiegħu li jikkonsma. Ser inkunu kapaċi niddefinixxu l-benesseri f’termini ta’ saħħa fiżika u mentali, id-drittijiet demokratiċi u parteċipattivi, l-inklużjoni soċjali (li tfisser partikolarment l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol bil-kundizzjoni li l-impjiegi jkunu ta’ kwalità), il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għall-beni pubbliċi u s-servizzi ta’ interess ġenerali? Jeħtieġ li nifhmu li approċċ bħal dan ikun jirrifletti idea ġdida ta’ tkabbir u tal-funzjoni tal-ekonomija. Il-kwantitajiet imkejla skont il-PDG mhux biżżejjed biex dan jinkiseb. Il-KESE diġà esprima ruħu favur approċċ ġdid biex jitkejjel il-progress ekonomiku u soċjali. Huwa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-bidliet industrijali u l-impjiegi mhux ser ikunu kompatibbli mal-għanijiet tas-sostenibbiltà jekk l-UE u l-bqija tad-dinja ma jilħqux ftehim dwar idea ġdida tat-tkabbir. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija 2010 mhix biżżejjed.

4.16

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet Ewropej li jaħdmu favur kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fil-livell globali sabiex b’hekk jiġu evitati r-rilokazzjonijiet jew it-tneħħija/il-qerda ta’ setturi sħaħ li huma ta’ ħsara għall-impjiegi u għall-ambjent. L-Ewropa għandha tkun il-mutur ta’ prattiki tajba iżda għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni globali tagħhom bl-inqas dewmien possibbli sabiex b’hekk jiġu evitati –konsegwenzi negattiv (inklużi ambjentali) kkważati minn implimentazzjoni limitata għall-Ewropa biss.

4.17

Bħala l-vuċi istituzzjonali tas-soċjetà ċivili Ewropea u forum importanti għad-djalogu strutturat, il-KESE jaħdem favur il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini Ewropej fid-dibattiti l-kbar. L-UE għandha bżonn strateġija iktar koerenti u vinkolanti minn dik li attwalment nafu bħala UE 2020, strateġija li tippermetti transizzjoni ġusta, ekwa u sostenibbli lejn ekonomija ħadra bbażata fuq idea totalment ġdida tat-tkabbir. It-tkabbir il-ġdid li għandna bżonn fl-Ewropa, iżda wkoll fid-dinja kollha ser ikun imsejjes fis-sostenibbiltà u ser ikun ibbażat fuq il-kwalità tal-ħajja, ħajja parteċipattiva u b’saħħitha.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 1)

(2)  ĠU C 10, 14.1.2004, p. 105 u ĠU C 318, 23.12.2006, p.1.

(3)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 58.

(4)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 62. (mhux disponibbli bil-Malti)

(5)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 1.

(6)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 57.

(7)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 88

(8)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(9)  CESE 647/2010 - INT/453 (mhux ippubblikat fil-ĠU).

(10)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3 (ECO/267) u ĠU C 100, 30.4.2009, p. 65 (CCMI/053).

(11)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 18.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)

2011/C 44/08

Relatur: is-Sur OSBORN

Nhar id-9 ta' Frar 2010, il-Presidenza Belġjana tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (sessjoni tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kwalunkwe miżura biex l-Ewropa tagħmel użu aktar mifrux mill-vetturi elettrici, u b’mod partikolari l-karozzi elettriċi. Dan huwa urġenti kemm bħala kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra mis-settur tat-trasport u biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq importazzjonijiet dejjem inqas siguri taż-żejt.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Jirrakkomanda wkoll li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jieħdu għadd ta' azzjonijiet oħra.

1.3

Mil-lat teknoloġiku, il-KESE jirrakkomanda għadd ta' prijoritajiet fil-qasam tar-R&Ż, għat-tħaffif tal-programmi prinċipali tal-istandardizzazzjoni, għat-twessigħ tal-ħiliet u l-programmi tat-taħriġ u għall-ġestjoni u l-indirizzar tad-diffikultajiet marbuta mat-tibdil fit-tipi tal-impjiegi fis-settur tal-karozzi u tas-setturi marbuta miegħu.

1.4

Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni għall-vetturi elettriċi tista’ tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra biss jekk l-elettriku għall-vettura nnifisha jiġi minn sorsi b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. Għalhekk, il-bidla għall-vetturi elettriċi trid timxi id f’id ma' bidla parallela oħra marbuta mal-ġenerazzjoni ta' elettriku li jagħmel użu baxx mill-karbonju.

1.5

L-użu fuq skala wiesa’ tal-vetturi elettriċi, u l-kapaċità sostanzjali għall-ħżin tal-elettriku li l-batteriji użati lkoll flimkien jirrappreżentaw, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kontribut li jipprovdu biex jinsab l-aħjar bilanċ possibbli bejn il-provvista u d-domanda fis-sistema tal-provvista tal-elettriku, ġaladarba tiġi introdotta t-teknoloġija intelliġenti fil-ġestjoni tan-netwerk għad-distribuzzjoni tal-elettriku (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “grilja”) u fl-infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi. Fil-fehma tal-KESE, dan huwa proċess ikkumplikat; madankollu, jirrakkomanda li jsiru studji u proġetti mill-aktar fis biex nippruvaw inbiddlu din il-possibbiltà f’opportunità kbira li jkunu jistgħu jgawdu minnha kemm is-settur tat-trasport kif ukoll dak tal-provvista tal-elettriku.

1.6

It-tranżizzjoni rapida għall-vetturi elettriċi fis-settur tal-karozzi ser teħtieġ ħidma bi sħab importanti min-naħa tal-industrija tal-karozzi, il-fornituri l-ġodda tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, is-settur pubbliku – bħala regolaturi, l-awtoritjaiet responsabbli għall-iffissar tal-istandards, dawk li jipprovdu l-inċentivi u l-edukaturi – u ċ-ċittadini inġenerali fir-rwol li jaqdu ta' konsumaturi intelliġenti ta' teknoloġija ġdida, u fl-istess ħin konsumaturi eżiġenti u preokkupati. Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jniedu ħidma kollettiva importanti li tippromovi u tappoġġja din it-tranżizzjoni kruċjali b’kull mezz possibbli, u jiżguraw li l-Ewropa ma tibqax lura fit-tellieqa tal-kompetizzjoni barranija li dejjem qed tiżviluppa f’dan is-settur ewlieni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Is-settur tat-trasport inġenerali għadu qed juri żidiet kontinwi fl-emissjonijiet tas-CO2 minn sena għall-oħra minkejja li l-istandards tal-effiċjenza qed jitjiebu gradwalment f’kull tip ta' trasport. Jekk irridu li t-trasport jagħmel kontribut adegwat lit-tnaqqis tal-karbonju li l-Ewropa impenjat ruħha li tagħmel sal-2050, mhux ser ikun biżżejjed li niddependu miż-żidiet tal-effiċjenza li nagħmlu f’kull mezz tat-trasport.

2.2

Fil-qasam tat-trasport bit-triq, hemm limiti fiżiċi fundamentali sa liema punt tista’ tittejjeb il-prestazzjoni tal-magni tal-karozzi b’kombustjoni interna fir-rigward tal-użu tal-karbonju. F’ċertu punt, ċerti titjibiet ser jitolbu bidla trasformattiva findamentali lejn sorsi ta' enerġija ġodda b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru.

2.3

Fost id-diversi possibbiltajiet li hemm biex niksbu dan, jidher li l-aktar waħda promettenti hija t-tranżizzjoni bikrija fis-settur tal-karozzi privati, l-ewwel permezz ta' tranżiżżjoni għall-vetturi ibridi u mbagħad il-vetturi totalment elettriċi mill-aktar fis possibbli.

2.4

Hemm għadd ta' raġunijiet għalfejn għandna nagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun:

It-tnaqqis kemm jista’ jkun malajr tal-emissjonijiet tal-karbonju għandu jagħti riżultati aħjar f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis fit-tibdil fil-klima, u b’hekk jiġu evitati miżuri ta' adattament għaljin fil-ġejjieni.

Ser ikun hemm spejjeż sostanzjali bil-quddiem kemm għas-settur privat (il-produtturi tal-magni u tal-batteriji, il-fornituri tal-infrastruttura, eċċ.) kif ukoll għas-settur pubbliku (R&Ż, infrastruttura, ħlasijiet ta' inċentiv, eċċ.) fil-fażijiet bikrin tat-tranżizzjoni, u aktar ma l-bidla ssir malajr aktar l-investimenti jibdew jagħtu sinjali ta' redditu ekonomiku b’rata mgħaġġla.

L-interess fost il-konsumaturi għal vetturi li jużaw livelli baxxi ta' karbonju jew li jaħdmu mingħajr karbonju qed jikber. Dan jista’ jirrappreżenta opportunità tad-deheb għall-Ewropa u l-Istati Membri tagħha biex iġibu ’l quddiem tranżizzjoni li tista’ tkun popolari jekk tiġi ttrattata kif suppost, u bil-kundizzjoni li l-vetturi l-ġodda jistgħu jiksbu l-istandards ta' sigurtà, konvenjenza, prestazzjoni, affidabbiltà, disinn u prezz tar-rivali tradizzjonali tagħhom.

Għadd ta' kompetitituri ewlenin (l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u oħrajn) diġà qed jagħmlu investiment kbir fil-qasam tal-vetturi elettriċi, u jistgħu jiksbu vantaġġ kompetittiv kbir fuq l-Ewropa jekk ma tirreaġixxix bl-istess pass mgħaġġel.

Jekk l-Ewropa tħaffef il-pass biżżejjed biex tippromovi l-iżvilupp tal-vetturi elettriċi fl-Ewropa flimkien ma' bidliet marbuta mal-qasam tal-provvista tal-enerġija u s-sistema tal-grilja, l-espansjoni ta' dawn is-setturi tista’ sservi ta' xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u ż-żieda kbira fl-esportazzjonijiet fl-Ewropa. Għall-kuntrarju, jekk l-Ewropa taqa’ lura f’din it-tranżizzjoni, l-ekonomija tagħha tista’ tiddgħajjef b’mod gravi.

2.5

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma intensiva li għaddejja bħalissa fi ħdan il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri bil-għan li tiġi appoġġjata u aċċellerata t-tranżiżżjoni lejn il-vetturi elettriċi. Huwa jirrakkomanda li ssir aktar ħidma marbuta ma' dawn it-tliet aspetti ewlenin:

Aktar appoġġ għat-tranżizzjoni teknoloġika permezz tar-R&Ż, il-programmi tad-distribuzzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

Appoġġ għall-iżvilupp parallel neċessarju tas-settur tal-elettriku, inklużi l-espansjoni tal-prodotti rinnovabbli, l-iżvilupp tal-grilja u tal-infrastruttura u l-istandardizzazzjoni tal-interface bejn il-vettur elettriċi u l-provvista tal-elettriku;

Appoġġ għat-trasformazzjoni tas-suq bl-inċentivi adatti biex jiġi żgurat li d-domanda tlaħħaq mat-trasformazzjoni tal-provvista tal-vetturi.

3.   Appoġġ għat-tranżizzjoni teknoloġika

3.1   Riċerka u żvilupp

3.1.1

Huwa meħtieġ sforz kbir sabiex ir-R&Ż tiżdied b’mod li toqrob lejn il-mira ta' 3 % u sabiex ikun hemm numru akbar ta' programmi ddedikati għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta' karbonju. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li, b’mod ġenerali, tingħata lill-ħidma fil-qasam tar-R&Ż fl-istrateġija l-ġdida 2020, u l-importanza partikolari li tingħata lill-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra, inkluża t-tranżizzjoni lejn vetturi li jużaw livelli baxxi ta' karbonju u vetturi elettriċi. Għandha bżonn tingħata attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin:

Aktar titjib tat-teknoloġija tal-batteriji biex titwessa’ l-firxa tal-vetturi elettriċi, u biex jittejbu s-solidità u l-kwalità rikuperattiva tas-sistemi magħżula għal kull tip ta' temp u sewqan;

Metodi alternattivi għall-ġestjoni tal-iċċarġjar tal-batterija bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli mill-metodi li eventwalment jintgħażlu għall-istandardizzazzjoni;

Modi kif l-espansjoni tal-vetturi elettriċi tiġi assoċjata mal-espansjoni ta' sorsi rinnovabbli jew b’livelli baxxi ta' karbonju tal-provvista tal-elettriku;

Modi kif jintuża mitering intelliġenti u l-inġinerija mill-ġdid tas-sistema tal-grilja biex il-batterji jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati fl-aħjar ħinijiet mill-perspettiva tal-ibbilanċjar tal-kurrent elettriku;

Il-provvista globali tal-materjal meħtieġ għall-espansjoni fuq skala massiva tal-batteriji, b’mod partikolari l-litju u r-rare earths, u kwalunkwe miżura li tista’ tittieħed biex is-sorsi ta' provvista jiżdiedu jew isiru aktar siguri, jew biex jiġu sostituti materjali oħra li huma disponibbli fuq skala wiesgħa;

Miżuri li għandhom jittieħdu sa mill-bidu nett bil-għan li jiġi promoss l-użu mill-ġdid tal-materjali mill-vetturi u l-batteriji li waslu fl-aħħar taċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom.

3.1.2

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-proġetti ta' dimostrazzjoni u programmi oħra tad-distribuzzjoni. L-esperjenza fil-qasam tal-Pjattaformi għat-Teknoloġija tal-Enerġija għandha tiġi estiża u żviluppata fi programmi tad-distribuzzjoni proattivi b’mod li jsiru disponibbli l-ewwel ibridi rikarikabbli (plug-in hybrids) u vetturi totalment elettriċi u l-appoġġ infrastrutturali li jkollhom bżonn. Il-proġetti tad-dimostrazzjoni fi bliet u reġjuni individwali li huma lesti li junu fost l-ewwel li jittestjaw il-prodotti ġodda (li diġà bdew f’ċerti bliet u reġjuni Ewropej) għandhom jitħeġġu b’mod attiv, permezz ta' inċentivi adegwati. Il-programm CIVITAS għandu jitwessa’.

3.1.3

Il-KESE jinsab imħasseb li t-teknoloġija attwali tal-batteriji tiddependi bil-bosta mill-materjali (il-litju u r-rare earths) li attwalment jiġu prodotti l-aktar, jew saħansitra biss, fiċ-Ċina. Jitlob li jkun hemm riċerka u jsiru sondaġġi ġeoloġiċi b’mod urġenti biex jiġu identifikati sorsi alternattivi għall-provvista ta' dawn it-tipi ta' materjali u li jitħeġġeġ ir-riċiklaġġ tagħhom fejn ikun possibbli.

3.2   Iffissar ta' standards

3.2.1

L-istandards regolatorji dwar il-ħtiġijiet minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-prodotti u s-servizzi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu. L-UE diġà stabbilixxiet standards għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi, bi skedi ta' żmien stabbiliti għal aktar titjib sabiex ikunu awtorizzati fil-futur. Iżda jeħtieġ li dawn il-programmi jsiru aktar komprensivi u li jistabbilixxu sensiela ta' miri aktar ambizzjużi fuq medda qasira u twila ta' żmien.

3.2.2

Il-limiti preżenti għall-emissjonijiet stabbiliti sal-2015 jippermettu krettu importanti għall-vetturi li jagħmlu użu minn livelli baxxi ta' karbonju jew vetturi elettriċi. Bis-saħħa ta' dan, il-produtturi Ewropej ikollhom inċentiv importanti biex iħaffu l-iżvilupp tagħhom u jipproduċu l-ewwel ġenerazzjoni ta' karozzi totalment elettriċi. Iżda, fl-istess ħin, dan inaqqrilhom mill-inċentiv biex ifittxu titjib ieħor mill-bqija tal-karozzi li jaħdmu bil-karburant fossili. Fir-reviżjoni li jmiss, forsi tista’ tiġi stabbilita mira speċifika għall-espansjoni tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku; fl-istess ħin, il-produtturi għandhom jintalbu jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-vetturi tal-petrol u d-diżil mil-lat tas-CO2, li inevitabbilment ser jibqgħu jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-karozzi kollha mmanifatturati tul l-20 sena li ġejjin.

3.2.3

Huwa essenzjali wkoll li tinżamm il-pressjoni fuq l-industrija Ewropea sabiex tkun minn ta' quddiem fid-dinja fir-rigward tal-vetturi elettriċi sabiex ikunu jistgħu jżommu pożizzjoni kompetittiva b’saħħitha hekk kif is-suq dinji jimxi f’din it-triq. Hemm kompetizzjoni ħarxa bejn l-operaturi tal-industrija fis-settur tal-karozzi, tal-batteriji u tal-provvista tal-enerġija biex jiżviluppaw l-aħjar teknoloġiji għall-aktar prezzijiet raġonevoli. Fiha nnifisha, din il-kompetizzjoni hija xprun b’saħħtu għall-innovazzjoni u m’għandhiex titrażżan.

3.2.4

Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-UE ser ikollha bżonn tippromovi ċerti elementi bikrija ta' standardizzazzjoni, biex tiżgura sigurtà, affidabbiltà u kompatibilità, b’mod partikolari fl-infrastruttura ta' appoġġ għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u għat-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits kif ukoll fil-ħtiġijiet tal-enerġija u l-konfigurazzjoni tas-settijiet tal-batteriji. Peress li l-karozzi (kemm ġodda kif ukoll dawk użati) jiġu kkumerċjalizzati ħafna bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, l-UE għandha wkoll tipparteċipa b’mod attiv f’ħidma biex tistabbilixxi standards globali dwar dawn il-kwistjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li t-teknoloġija tal-vetturi elettriċi tkun kompatibbli fuq livell dinji.

3.3   Edukazzjoni u taħriġ professjonali u tekniku

3.3.1

It-tranżizzjoni lejn industrija tal-karozzi ddominata mill-vetturi elettriċi ser iġġib magħha bidla fit-tipi tal-impjiegi fi ħdan l-industrija. Sabiex jinżammu l-produzzjoni u l-impjiegi fl-industrija Ewropea tal-karozzi u sabiex tinżamm prestazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-esportazzjoni, huwa essenzjali li jsiru investimenti minn kmieni fil-kapaċità għall-produzzjoni ta' vetturi elettriċi fl-Ewropa, u li jingħataw it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa fil-ħiliet ġodda li ser ikun hmm bżonn fis-setturi kollha tal-industrija (disinn, produzzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, manutenzjoni, rimi, eċċ.).

3.3.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jitnieda mill-ġdid il-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21, bil-parteċipazzjoni msaħħa tal-partijiet interessati, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli preżenti biex it-teknoloġiji l-ġodda jiġu assimilati fis-suq. Il-KESE jirrakkomanda li dan jinkludi grupp ta' ħidma speċifiku fil-qasam tal-kwistjonijiet soċjali, u li għandhom jittieħdu passi mill-aktar fis biex l-istrutturi settorjali għat-taħriġ u t-tagħlim jiġu żviluppati u orjentati mill-ġdid b’mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda ta' ħiliet fid-dawl tat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi.

4.   It-trasformazzjoni simultanja tal-provvista tal-elettriku u r-rabtiet mad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku

4.1

Il-bidla għall-vetturi elettriċi ser tirrappreżenta żieda sostanzjali fid-domanda għall-provvista tal-elettriku – mhux kbira daqstant għall-ewwel, iżda fl-aħħar mill-aħħar, konsiderevoli. Li kieku din id-domanda addizzjonali għall-elettriku kienet tkun issodisfata permezz tal-bini ta' impjanti tal-enerġija tredizzjonali oħra li jaħdmu bil-faħam, il-produzzjoni tas-CO2 ma tonqosx wisq. L-emissjonijiet tas-CO2 ikunu sempliċement għaddew mill-karozzi għall-impjanti elettriċi. Għalhekk, huwa importanti li l-espansjoni tal-karozzi elettriċi timxi pari passu mal-espansjoni tal-provvista ta' enerġija b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru.

4.2

Il-programi favur l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu aċċellerati b’mod li jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-vetturi elettriċi. Din il-ħtieġa għandha tiġi integrata fir-reviżjoni li jmiss tal-miri marbuta mal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli.

4.3

Qed tibda toħroġ fid-dieher il-possibbiltà għal komplementarjetà aktar sofistikata bejn l-espansjoni tal-kapaċità sħiħa tal-batterija meħtieġa għall-vetturi elettriċi u t-tkabbir tas-sehem tal-provvista tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

4.4

Problema kbira għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli hija l-intermittenza tal-provvista tar-riħ, l-enerġija solari, il-marea, eċċ. Sabiex jiġu ssodisfati t-tipi differenti ta' domanda għall-elettriku, probabbilment ser ikun hemm bżonn ta' espansjoni tal-mezzi użati għall-ħżin tal-enerġija. Il-batteriji għall-karozzi huma meħtieġa biss għall-ammont limitat ta' ħin li fih in-nies ikunu qegħdin isuquhom. Meta ma jkunux qed jiġu użati, ikollhom bżonn jiġu ċċarġjati, iżda jkunu jistgħu wkoll jiġu użati bħala sorsi ta' riżervi ta' enerġija biex jagħtu riżervi addizzjonali lill-grilja meta ma jkunx hemm biżżejjed provvisti rinnovabbli. Il-problemi tekniċi u loġistiċi biex dan iseħħ huma kbar ħafna. Iżda din il-possibbiltà ssir iktar fattibbli hekk kif tiżviluppa grilja interkonnessa u intelliġenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-istudji meħtieġa disponibbli mill-aktar fis, u tiżgura li l-infrastruttura għall-iċċarġjar żviluppata għall-vetturi elettriċi tkun intelliġenti biżżejjed sa mill-bidu biex tinkiseb din il-komplementarjetà mal-provvista tal-enerġija rinnovabbli.

4.5

L-iżvilupp tal-infrastruttura għall-iċċarġar u/jew is-sostituzzjoni tal-batteriji ser titlob investiment qawwi. It-tagħmir neċessarju għall-iċċarġjar għandu jkun disponibbli f’firxa wiesgħa ta' postijiet, pereżempju fil-parkeġġi, id-djar, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, il-garaxxijiet kummerċjali, postijiet pubbliċi oħra u t-toroq. Is-settur pubbliku irid jistabbilixxi qafas regolatorju li jiżgura li dawk inkarigati mill-investiment fl-infrastruttura ikunu jistgħu jagħmlu profitt raġonevoli, filwaqt li jevitaw prezzijiet eċċessivi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel studji urġenti dwar l-oqfsa regolatorji adatti li jħeġġu l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura. F’dan il-kuntest, josserva u jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tas-26 ta' Mejju li fihom saret talba għal żvilupp rapidu ta' standard Ewropew għall-vetturi elettriċi, bil-għan li jibdew jintużaw b’rata aktar mgħaġġla.

5.   Il-konsumaturi u s-suq

5.1

Iċ-ċittadini Ewropej qed isiru dejjem aktar konxji li dalwaqt ma nkunux nistgħu niddependu aktar mid-disponibbiltà ġenerali taż-żejt irħis. Qed isiru konxji li qed isir dejjem aktar diffiċli li jinstab u li jiġi rkuprat iż-żejt f’ħafna partijiet fid-dinja, u li l-kompetizzjoni għal kulma hu disponibbli mill-ekonomiji emerġenti qed tiħrax. Minkejja ċertu xettiċiżmu, in-nies qed isiru dejjem iżjed konxji mill-fatt li l-emissjonijiet tas-CO2 iridu jitnaqqsu biex it-tibdil fil-klima jittaffa, u li s-settur tat-trasport irid jagħti sehmu biex dan iseħħ. Il-gvernijiet fl-Istati Membri differenti – uħud aktar minn oħrajn – ilkoll komplew isaħħu dawn it-tipi ta' messaġġi billi intaxxaw il-prodotti taż-żejt, billi imponew taxxi differenti għall-vetturi b’mod li l-karozzi ż-żgħar li jipproduċu livelli aktar baxxi ta' karbonju jingħataw preferenza fuq il-vetturi aktar sofistikati li jaħlu ħafna, u f’ċerti każi, billi xtraw ibridi u vetturi elettriċi prototipi għall-użu tagħhom stess.

5.2

Fid-dawl ta' din is-sensibilizzazzjoni globali, kien hemm ċertu tibdil fis-suq f’dawn l-aħħar snin. Il-konsumaturi saru jippreferu bil-wisq aktar vetturi iżgħar b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u qed iwarrbu lil dawk aktar kbar b’emissjonijiet aktar għoljin. Kien hemm ukoll ċerta domanda għall-ibridi li ġew introdotti s’issa, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li pprovdew l-inkoraġġiment meħtieġ permezz ta' inċentivi fiskali. Iżda, b’mod ġenerali, il-konsumaturi juru ċerta prudenza fir-rigward tal-innovazzjonijiet ġodda f’dan is-settur, u probabbilment ser ikollhom bżonn riassigurazzjoni u inċentivi biex jilqgħu b’mod definittiv il-ġenerazzjoni li jmiss tal-ibridi rikarikabbli u vetturi totalment elettriċi malli jsiru disponibbli.

5.3

Il-produtturi u l-industrija taż-żejt ukoll urew ċerta prudenza dwar il-potenzjal tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi. Iridu jkunu konvinti mill-inevitabbiltà ta' din il-bidla, u tad-determinazzjoni politika tal-Unjoni Ewropea li tixpruna u tħaffef din it-tranżizzjoni biex ikunu lesti li jipprovdu r-riżorsi u l-għarfien espert kollu li din il-bidla teħtieġ, u jbigħuha lill-konsumaturi. L-UE u l-Istati Membri għandhom joħorġu fid-dieher din in-neċessità u l-urġenza tat-tranżiżżzjoni bl-aktar mod ċar lill-industriji tagħhom, u ma jħallux li negozji li jimxu b’pass inqas mgħaġġel jingħataw konċessjonijiet speċjali u mbagħad iwaqqfu l-progress globali, li jwassal biss biex negozji li jimxu b’pass aktar mgħaġġel fi nħawi oħra tad-dinja jaqbżu l-industrija inġenerali, u jwassal ukoll għal telf permanenti tas-sehem tas-suq u l-influwenza fl-evoluzzjoni tal-istandards fil-livell dinji.

5.4

Biex inkunu nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss b’suċċess u nrawmu l-fiduċja u d-domanda tal-konsumaturi, il-konsumaturi għandhom għadd ta' ħtiġijiet, li fil-qosor jolqtu lil dawn l-oqsma prinċipali – is-sigurtà, l-affidabbiltà, il-prestazzjoni u d-disinn, il-firxa tal-prodotti u l-flessibbiltà, il-konvenjenza tal-iċċarġjar kif ukoll il-prezz meta tinxtara u waqt l-użu. (Hemm ukoll xi tħassib li l-vetturi elettriċi jistgħu jkunu tant kwieti fit-triq li jkunu ta' periklu – jekk dan huwa minnu, għandu jkun hemm żieda fil-livell minimu ta' storbju bil-għan li l-persuni li jkunu mexjin fit-triq u persuni oħra li jużaw it-toroq jisimgħu li tkun ġejja karozza).

5.5

Huwa importanti li l-vetturi elettriċi jkunu siguri mill-inqas daqs il-vetturi konvenzjonali (kemm fis-sewqan normali u f’każ ta' inċident), kemm fil-kejl statistiku oġġettiv kif ukoll fil-perċezzjoni It-tagħmir għall-iċċarġjar, b’mod partikolari dak disponibbli għall-pubbliku, għandu jkun protett kontra t-tbagħbis u l-frodi. Dan il-kriterju għandu jkun inkorporat fil-ħtiġijiet regolatorji kollha marbuta mas-sigurtà li għandhom jiġu imposti fuq il-vetturi elettriċi.

5.6

Il-vetturi elettriċi għandhom ikunu affidabbli kull ħin u f’kull tip ta' temp. Jekk il-batterija taqa’ malajr u jekk ċerti kundizzjonijiet tat-temp jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom jew is-servizzi li joffru b’mod sostanzjali, in-nies faċilment ikunu delużi. Ikun aħjar li jiġu introdotti standards marbuta mas-solidità u l-affidabbiltà fil-qafas regolatorju.

5.7

Il-prestazzjoni tal-vetturi elettriċi għandha tal-anqas tixbah lil dik ta' karozza tal-familja għaliex din hija t-tip ta' karozza li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni jafu sewwa. Huwa importanti wkoll li d-disinn u l-konfigurazzjoni tal-vetturi elettriċi ma jkunux inqas attraenti għall-pubbliku mill-aqwa ICVs (vetturi b’kombustjoni interna). Naturalment, din hija sfida li l-industrija għandha tissodisfa, u mhux ser ikun hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja, bil-kundizzjoni li l-industrija nnifisha tkun immotivata biżżejjed (u, f’każ ta' bżonn, tiġi pprovduta b’inċentiv) biex tkun trid tħaffef il-pass tal-bidla.

5.8

Id-distanzi li kapaċi jkopru huma marbuta mill-qrib mat-tagħmir għall-iċċarġjar. Jekk l-iċċarġjar jitlob għadd ta' sigħat f’garaxx jew f’postijiet riżervati fit-triq għal dan il-għan, allura l-konsumaturi wisq probabbli jitolbu li l-karozzi jkunu jistgħu jkopru distanza konsiderevoli wara kull waqfa għall-iċċarġjar. Jista’ jkun minnu li l-biċċa l-kbira tan-nies jivvjaġġaw distanzi pjuttost qosra tul ġurnata normali tax-xogħol – iżda jkunu jridu l-possibbiltà ta' distanzi itwal għal dawk l-okkażjonijiet meta jkollhom jivvjaġġaw iżjed fit-tul – u ma jkunux iridu jaħlu sigħat sħaħ jiċċarġjaw il-karozza waqt vjaġġi bħal dawn. Kultant, il-batteriji jaqgħu jekk il-karozza ma tkunx f’post riżervat għall-iċċarġjar. Irid jiġi żviluppat tagħmir fit-toroq għall-iċċarġjar urġenti jew għat-tbiddil tal-batterija.

5.9

Jidher li l-iċċarġjar aktar malajr qed isir possibbiltà teknika. Iżda jekk il-ħin għall-iċċarġjar ma jitnaqqasx tant li jieħu biss il-ħin li normalment jieħu xi ħadd huwa u jimla t-tank tal-petrol, allura ħafna nies li jkollhom x’jagħmlu jitilfu l-paċenzja. Fil-fehma tagħna, il-produtturi għandhom ifittxu li jżidu d-distanzi disponibbli mill-aktar fis sa [300 km] jekk iridu jiżguraw suq imdaqqas. Il-ħidma fil-qasam tar-R&Ż għandha tiffoka fuq dan il-għan b’mod partikolari.

5.10

Jekk għad fadal ammont sostanzjali ta' snin biex dawn id-distanzi jintlaħqu, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li t-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits ikun ikkomplementat bl-għażla li l-unità sħiħa tal-batterija tkun tista’ titbiddel malajr f’garaxx kummerċjali (jew f’każi ta' emerġenza fit-triq stess) f’bejn żewġ u tliet minuti.Il-KESE għandu informazzjoni li qed jiġu żviluppati għadd ta' proġetti ta' prova inizjali f’dan il-qasam. Bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura għat-tbiddil tal-batteriji b’dan il-mod, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-aktar fis lill-possibbiltà li jkun hemm standardizzazzjioni bikrija tal-konfigurazzjoni u l-karatteristiċi għall-pakketti tal-batteriji u kif jistgħu jitneħħew u jerġgħu jitpoġġew b’mod konvenjenti. It-tbiddil tal-batteriji jitħaffef jekk il-pakketti tal-batteriji jinkrew minn kumpanija li tieħu ħsieb il-proċedura tat-tbiddil pjuttost milli jinxtraw. Bis-saħħa ta' dan il-proċess, jitnaqqsu l-ispejjeż inizjali marbuta mal-vetturi elettriċi, iżda jista’ jinqala’ l-bżonn li jitwaqqaf qafas regolatorju biex jiżgura li l-kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz iżommu prezzijiet ġusti u standards tajba ta' operazzjoni.

5.11

Fejn jintuża ċċarġjar bis-sokits, huwa importanti li jsir disponibbli malajr f’netwerk mifrux ta' postijiet riżervati għall-iċċarġjar. Minbarra t-tagħmir disponibbli fid-djar, irid ikun hemm dawn it-tipi ta' postijiet f’kull parkeġġ tal-karozzi (parkeġġi pubbliċi u privati, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, eċċ.), u fil-postijiet kollha iżervati għall-parkeġġ fit-toroq. Biex din is-sitwazzjoni taħdem tajjeb, jista’ jkun hemm bżonn li l-ewwel ħidma marbuta ma' din is-sistema tiffoka fuq żoni ġeografiċi speċifiċi. Għandu mnejn ikun utli li jitnedew xi skemi pilota f’għadd ta' żoni differenti – gżejjer, bliet kbar u ż-żona reġjonali ta' madwarhom, żoni urbani iżgħar, żoni rurali, eċċ. – biex jiġi stabbilit liema huma l-aħjar modi għat-tħaddim ta' din is-sistema u x’hemm bżonn mil-lat ta' appoġġ għall-infrastruttura. Kull fejn il-vetturi elettriċi jiġu introdotti għall-ewwel darba, huwa importanti li jitwaqqaf netwerk adegwat ta' tagħmir għall-iċċarġjar mill-ewwel. Il-konsumaturi malajr iwarrbu t-teknoloġija l-ġdida jekk ma jħossux li hija appoġġjata tajjeb minn tagħmir għall-iċċarġjar u għat-tbiddil tal-batteriji, li jkun disponibbli b’mod wiesa’ sa mill-bidu nett.

5.12

L-awtoritajiet muniċipali, lokali u reġjonali ser ikollhom rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi fiż-żona tagħhom. Jistgħu jikkontribwixxu biex jidentifikaw is-siti adatti għat-tagħmir għall-iċċarġjar u t-tbiddil tal-batteriji. Jistgħu jagħtu preferenza lill-vetturi elettriċi fir-rigward tal-ipparkjar jew f’karreġġjatiriżervati. Jistgħu jaqdu rwol konsiderevoli fir-reklamar u t-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi, anke billi jħeġġu l-użu tal-vetturi elettriċi għat-trasport ta' dawk il-persuni li għandhom problemi ta' mobbiltà, għat-tindif tat-toroq, eċċ., peress li ħafna minn dawn il-vjaġġi jinvolvu biss distanzi qosra fiż-żona tal-lokalità nnifisha.

5.13

Naturalment, il-prezz fil-punt tal-bejgħ u tal-użu ser ikun kruċjali. It-tranżizzjoni mill-petrol biċ-ċomb għall-petrol mingħajr ċomb f’bosta pajjiżi tipprovdi eżempju tajjeb ħafna. Għal ċertu żmien, il-konsumaturi rreżistew din il-bidla. Iżda, malli l-gvernijiet introduċew taxxa biex jiffavorixxu lill-petrol mingħajr ċomb, ir-reżistenza għosfrot u t-tranżizzjoni mxiet ħarir u malajr.

5.14

Sabiex jiġi inkoraġġit l-użu tal-vetturi elettriċi, ser ikun hemm bżonn ukoll li almenu jitneħħa kwalunkwe vantaġġ mil-lat ta' prezz tal-vetturi li jaħdmu biż-żejt permezz ta' reġimi adatti ta' tassazzjoni differenti, u probabbilment għandha tingħata preferenza lill-vetturi elettriċi fis-snin bikrin bil-għan li s-suq jaqbad ir-ritmu. Fil-prinċipju, għandu jkun irħas li topera l-vetturi elettriċi minħabba l-livell ogħla ta' effiċjenza tal-magna elettrika. Iżda, ovvjament kollox jiddependi mill-istruttura tat-tariffi tal-elettriku, u jekk l-iċċarġjar tal-batteriji jistax jiġi integrat fi ħdan sistema intelliġenti għall-ibbilanċjar tal-kurrent elettriku permezz ta' tariffa preferenzjali. Il-KESE jirrakkomanda li jsiru studji ekonometriċi bikrin tad-diversi possibbiltajiet disponibbli. Peress li l-bidla għal vettura elettrika tirrappreżenta pass kbir għall-konsumatur, għandu mnejn ikun hemm bżonn li tkun akkumpanjata minn inċentivi kbar, b’mod partikolari fis-snin bikrin tat-tranżizzjoni (eż. permezz ta' taxxa fuq il-bejgħ sostanzjali li tiffavorixxi l-vetturi elettriċi fil-konfront tal-ICVs).

5.15

Minbarra l-ħolqien ta' inċentivi fuq il-prezzijiet, il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali għandhom jikkunsidraw bir-reqqa tipi oħra ta' inċentivi li jistgħu jgħinu t-tranżizzjoni, fost l-oħrajn żoni jew rotot dedikati u faċilitajiet preferenzjali għall-parkeġġ tal-vetturi elettriċi. Huwa ċar li dawn il-vetturi ser iniġġsu inqas minn magni b’kombustjoni interna, u ċerti verżjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni (eż. vetturi elettriċi żgħar għal skopijiet partikolari).

5.16

Minbarra miżuri biex jiġi żgurat li l-vetturi elettriċi jistgħu jiġu kummerċjalizzati bi prezzijiet kompetittivi, ser ikun importanti li jittieħdu miżuri oħra bil-għan li l-konsumaturi ikollhom għarfien aktar sod dwar il-marka tal-karbonju li jħallu d-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta mat-trasport, u sa liema punt ser inaqqsu l-impatt tagħhom jekk jużaw vetturi elettriċi.

5.17

Din l-informazzjoni għandha tissejjes fuq analiżi tal-impatt ta' ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-karozzi u l-mezzi l-oħra tat-trasport tagħhom. Iżda anke meta jitqies iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ, jidher probabbli li l-bidla lejn il-karozza elettrika ser tkun waħda mill-ikbar deċiżjonijiet li tkun tista’ tieħu persuna biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha. Iżda, biex jagħmlu evalwazzjoni korretta, irid ikollhom l-informazzjoni ġusta.

5.18

Probabbilment, ċerti setturi tas-suq ser ikunu ppenetrati aktar faċilment minn oħrajn għall-ewwel. Fid-dawl tal-limitazzjonijiet attwali fir-rigward tad-distanza koperti u tal-ħin meħtieġ għall-iċċarġjar, il-vetturi elettriċi, almenu għall-ewwel, ser ikun aktar adatti għal vjaġġi urbani jew lokali qosra u inqas adatti għal vjaġġi twal. Bl-istess mod, ser ikun aktar faċli li t-tagħmir għall-iċċarġjar bis-sokits jiġi pprovdut fi djar li għandhom garaxx jew, tal-inqas, parkeġġ privat għall-karozzi tagħhom. Għalhekk, huwa mistenni li l-ewwel tentattivi fil-qasam tal-marketing jiffukaw fuq djar li għandhom dawn il-faċilitajiet, li jikkunsidraw li jixtru vettura elettrika żgira għal qadi żgħir fl-inħawi tar-residenza tagħhom; fl-istess ħin, ikollhom vettura b’kombustjoni interna jew ibrida għal vjaġġi iktar twal b’tagħbijiet itqal. Anke għal dan it-tip ta' użu, jidher li r-riċerka inizjali timplika li d-distanza koperta u t-tul ta' ħin li jieħu l-iċċarġjar mhux qed iħajru l-biċċa kbira tan-nies jixtruhom; għalhekk, biex jiġi evitat li l-vetturi elettriċi jintużaw biss minn numru żgħir ta' swieq żgħar speċjalizzati, huwa importanti li sa mill-bidu nett nistabbilixxu viżjoni fit-tul għal tranżizzjoni iktar sħiħa li tippermetti li l-vetturi elettriċi jkunu għażla attraenti għall-utenti kollha għall-vjaġġi kollha.

5.19

Il-programmi tal-akkwisti pubbliċi jistgħu jservu ta' għodda b’saħħitha għat-titjib tal-istandards fis-setturi ewlenin tal-industrija. Is-settur pubbliku huwa xerrej importanti ta' karozzi u vetturi oħra; l-eżempju tas-settur pubbliku jista’ jkollu influwenza addizzjonali fuq id-deċiżjonijiet marbuta max-xiri li jieħdu oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li l-gvernijiet u korpi oħra tas-settur pubbiku, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, jimpenjaw ruħhom sa mill-bidu li jixtru karozzi u vetturi elettriċi oħra, biex jagħtu spinta bikrija lis-suq ta' dawn il-vetturi, u jagħmlu mod li l-volumi tal-produzzjoni tagħhom jersqu b’rata mgħaġġla lejn il-massa kritika għall-produzzjoni ekonomika. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jagħtu l-ewwel eżempju permezz tad-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta max-xiri, u jistgħu jniedu diskussjonijiet u inizjattivi fil-livell Ewropew biex jippromovu l-użu bikri tal-vetturi elettriċi. Il-mexxejja politiċi u personalitajiet pubbliċi prominenti oħra jistgħu jxerrdu l-messaġġ billi huma stess ikunu minn tal-ewwel li jużaw il-vetturi elettriċi.

5.20

Huwa stmat li kważi (50 %) tal-karozzi mixtrija fl-Ewropew jinxtraw fuq il-bażi ta' skemi mmexxija jew appoġġjati mill-kumpaniji għall-impjegati tagħhom. Ikun tajjeb li l-kumpaniji jingħataw inċentivi b’mod li tingħata preferenza lill-karozzi b’użu baxx tal-karbonju jew dawk elettriċi fl-iskemi tagħhom permezz ta' differenzjazzjoni fiskali adatta.

6.   Vetturi u mezzi tat-trasport oħra

6.1

F’din l-opinjoni ffukajna l-aktar fuq il-karozza privata tal-passiġġieri, u l-miżuri li għandha tieħu l-Ewropa issa biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn l-użu ta' vetturi elettriċi fil-ġejjieni. Fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, il-vettura elettrika hija l-aktar miżura fattibbli.

6.2

Iżda, ċertament, l-elettriċizzar ma jiqafx hawn. Dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u l-industrija għandhom ikunu attenti għall-potenzjal li dan il-qasam joffri fil-firxa sħiħa tat-trasport fuq l-art u bil-baħar, inklużi vetturi żgħar ħafna maħsuba għal persuna waħda, vetturi kbar tas-servizz pubbliku, ferroviji, tramms u karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku, u l-qasam kollu tat-trasport tal-merkanzija. Barra minn hekk, hekk kif l-elettriċizzar tas-sistema tat-trasport tinfirex aktar, jistgħu jibdew jiffurmaw mudelli ġodda tal-mobbiltà li jiġu ffaċilitati permezz tal-karatteristiċi differenti tal-enerġija elettrika, it-teknoloġija tal-batteriji u sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-grilja u tat-traffiku. Hawnhekk ukoll, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki jkunu attenti għall-aħjar ideat li jinħtieġu l-inkoraġġiment u josservawhom bir-reqqa.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika” (opinjoni esploratorja)

2011/C 44/09

Relatur ġenerali: Sergio SANTILLÁN CABEZA

Nhar id-9 ta' Frar 2010, bi tħejjija għall-Presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Belġjan iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika

(opinjoni esploratorja).

Fis-16 ta' Frar 2010, il-Bureau tal-Kumitat talab lis-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni biex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jaħtar lis-Sur SANTILLÁN CABEZA bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’124 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-prezzijiet tal-gass, tal-elettriku u ta' karburanti oħra bħall-faħam għadhom qed jogħlew u jidher li din it-tendenza ser tissokta fis-snin li ġejjin. Dan ifisser li sakemm ma tittiħiedx azzjoni effettiva minnufih, l-għadd ta' konsumaturi vulnerabbli wkoll ser jibqa’ jiżdied b’mod konsiderevoli. L-għan ta' din l-opinjoni mhuwiex li tikkunsidra l-kawżi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija iżda li tenfasizza l-bżonn li jitħarsu l-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' faqar fl-enerġija.

1.2

Il-glieda kontra l-faqar fl-enerġija hija prijorità soċjali ġdida li għandha tiġi indirizzata fil-livelli kollha ta' governanza u l-UE għandha tipprovdi linji gwida komuni biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess approċċ għall-eliminazzjoni ta' dan il-fenomenu. Jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-ħidma tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn għall-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. Madankollu, ħafna Stati Membri għadhom mhux qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom u, b’riżultat ta' dan, l-UE jkollha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, meta l-Istati Membri ma jirrispettawx il-miżuri li jkunu ġew stabbiliti.

1.3

Il-faqar fl-enerġija jaffettwa s-settur tal-enerġija u għandu impatt ukoll fuq setturi oħra bħas-saħħa, l-affarijiet tal-konsumatur u l-akkomodazzjoni.

1.4

Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta definizzjoni ġenerali komuni għall-faqar fl-enerġija li mbagħad tkun tista’ tiġi adattata minn kull Stat Membru. Il-faqar fl-enerġija jista’ jiġi definit meta wieħed isibha diffiċli jew impossibbli biex jiżgura tisħin adegwat fid-dar u li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali oħra tal-enerġija bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra bil-għan li l-kunċett ikun konformi mal-iżviluppi fis-soċjetà. Dan jgħin biex il-faqar fl-enerġija jiġi kkwantifikat u indirizzat b’mod aktar effettiv.

1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, ikun utli li l-istatistika eżistenti tiġi armonizzata sabiex tkun tista’ ssir l-aktar valutazzjoni rigoruża possibbli tas-sitwazzjoni tal-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Fid-dawl ta' dan, ġie suġġerit li l-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri jadottaw metodi statistiċi omoġenji biex ikunu jistgħu jikkwantifikaw il-medda tal-faqar fl-enerġija.

1.6

Fil-fehma tal-KESE u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija (Londra), ikun loġiku li jiġi stabbilit Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Faqar fl-Enerġija, li jista’ jiġi integrat fi ħdan korp eżistenti bħall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jew kwalunkwe korp ieħor li jista’ jinvolvi l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali kollha li għandhom rabta, diretta jew indiretta, mal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-provvedituri tal-enerġija, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tas-saħħa u dawk ambjentali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-kumpaniji tal-provvista tal-enerġija u tal-kostruzzjoni. Dan il-grupp ikun utli ħafna biex jidentifika prattiki tajbin attwali fl-Istati Membri, bil-għan li jagħmel użu minn mekkaniżmi ġodda biex jindirizza l-faqar fl-enerġija u jippromovi l-objettiv li l-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija fuq il-konsumaturi vulnerabbli jiġu analizzati b’mod preċiż.

1.7

Il-Kumitat jipproponi li jiġi kkunsidrat il-faqar fl-enerġija meta titfassal proposta dwar il-politika tal-enerġija.

1.8

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-bżonn ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi li jagħmlu l-aħjar użu mill-enerġija għall-konsumaturi vulnerabbli, li huma dawk li l-aktar għandhom bżonnhom.

1.9

Huwa importanti li jiġu implimentati miżuri approvati relatati mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u, f’dan il-każ, ta' djar privati. Minħabba d-diffikultajiet li d-djar bi dħul baxx jistgħu jiffaċċjaw, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' għajnuna kif u meta jkun possibbli.

1.10

Il-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata, f’ċerti każijiet, tista’ tgħin biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f’din l-opinjoni (ara punt 6.8).

2.   Il-faqar fl-enerġija fl-UE

2.1

L-użu tal-enerġija u l-aċċess għaliha huma marbuta mal-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet. Fost il-bosta applikazzjonijiet tagħha, l-enerġija hija kruċjali għall-mobbiltà, it-tisħin u t-tidwil f’oqsma bħall-industrija, is-saħħa, il-biedja kif ukoll fil-ħajja tal-familja u l-attivitajiet fil-ħin liberu.

2.2

Għaldaqstant, iil-kunċett tal-faqar fl-enerġija jista’ jiġi kkunsidrat f’termini makro u mikroekonomiċi. L-aċċess għal biżżejjed enerġija ta' kwalità għolja għall-industrija, il-biedja u setturi oħra huwa essenzjali għall-prosperità u l-kompetittività tal-pajjiż filwaqt li n-nuqqas ta' aċċess għall-enerġija jista’ jwassal għal kriżi ekonomika, qgħad u faqar fuq skala wiesgħa. Madankollu, din l-opinjoni tiffoka primarjament fuq il-politika tal-enerġija li tolqot l-użu domestiku.

2.3

Ikun hem faqar fl-enerġija meta dar issibha diffiċli jew impossibbli biex tiżgura tisħin adegwat bi prezz li jista’ jintlaħaq (bħala referenza, ta' min jadotta d-definizzjoni li tintuża mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li tqis 21 °C fis-salott u 18 °C fil-kmamar okkupati l-oħra bħala standards adegwati ta' tisħin, jew kwalunkwe definizzjoni oħra meqjusa bħala teknikament adatta) u biex ikollha aċċess għal servizzi oħra relatati mal-enerġija, bħat-tidwil, it-trasport jew l-elettriku għall-użu tal-Internet jew ta' tagħmir ieħor bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra sabiex il-kunċett ikun konformi mal-iżvilupp fis-soċjetà.

2.4

Il-faqar fl-enerġija mhuwiex fenomenu li jista’ jiġi kkwantifikat faċilment, għalkemm jista’ jitkejjel abbażi ta' varjabbli bħan-nuqqas ta' kapaċità li dar iżżomm il-bini msaħħan b’mod adegwat (21 % fl-UE-27, Eurostat), il-perċentwali tal-popolazzjoni li għadha lura fil-ħlas ta' kontijiet (7 % tal-UE-27 fl-2007), jew in-numru ta' djar li għandhom problemi ta' nixxija, xquq u problemi oħra li jaffettwaw il-bini (18 % tal-UE-25 fl-2007, Stħarriġ UE-SILC 2007). Għalkemm in-nuqqas ta' statistika u studji rilevanti jfisser li m’hemmx data affidabbli dwar in-numru ta' individwi milquta, meta jitqabblu l-varjabbli magħrufa u jitqies in-numru ta' studji li ġew ippubblikati, huwa stmat li, fl-Ewropa, tal-anqas 50 miljun persuna huma milquta mill-faqar fl-enerġija (Tackling Fuel Poverty in Europe. Recommendations Guide for Policy Makers. (Nindirizzaw il-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Gwida ta' rakkomandazzjonijiet għall-politiki.) www.fuel-poverty.org.) Madankollu, xi stimi jsostnu li ċ-ċifri huma ħafna ogħla.

2.5

Mhux biss huwa diffiċli li tiġi kkwantifikata l-firxa ta' din il-problema iżda hemm ukoll kontradizzjonijiet bejn l-istatistika Ewropea u dik nazzjonali. Pereżempju, skont id-data tal-UE-SILC, m’hemm ħadd fir-Renju Unit li għadu lura fil-ħlas ta' kontijiet tal-enerġija, filwaqt li r-regolatur nazzjonali tal-enerġija (Ofgem) jistma li hemm madwar 5 % (www.fuel-poverty.org).

2.6

In-numru ta' familji milquta mill-faqar fl-enerġija fl-Ewropa jista’ jiżdied peress li:

madwar 16 % tal-Ewropej qegħdin f’riskju ta' faqar (Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Kummissjoni Ewropea, 2009);

bejn l-2005 u l-2007, il-prezz tal-gass għad-djar żdied b’medja ta' 18 % (Eurostat 2007);

bejn l-2005 u l-2007, il-prezz tal-elettriku għad-djar żdied b’medja ta' 14 % (Stħarriġ UE-SILC 2007);

aktar minn 60 % tad-djar tal-UE nbnew mingħajr kunsiderazzjoni għall-istandards tar-regolament dwar it-tisħin.

2.7

Il-faqar fl-enerġija huwa kkawżat minn tliet fatturi: dħul baxx, kwalità mhux adegwata tal-bini u prezzijiet għoljin tal-enerġija.

2.8

L-effetti sekondarji tal-faqar fl-enerġija jistgħu jinkludu problemi tas-saħħa, skonnessjoni min-netwerk mill-provveditur tal-enerġija, użu tal-enerġija inferjuri meta mqabbel mal-istandards u l-akkumulazzjoni tad-dejn.

2.9

L-aktar gruppi soċjali vulnerabbli huma wkoll dawk bl-aktar dħul baxx, bħal dawk li għandhom aktar minn 65 sena, il-familji b’ġenitur wieħed, il-qiegħda, u dawk li jirċievu benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Ħafna minn dawk bi dħul baxx jgħixu wkoll f’bini b’iżolament termali mhux adegwat, (Housing Quality Deficiencies and the Link to Income in the EU (In-nuqqasijiet fil-kwalità tal-akkomodazzjoni u r-rabta mad-dħul finanzjarju fl-UE), Orsolya Lelkes. Ċentru Ewropew, Marzu 2010), li jkompli jżid il-faqar fl-enerġija tagħhom

2.10

Xi Stati Membri diġà adottaw miżuri (Good practices experienced in Belgium, Spain, France, Italy and United Kingdom to tackle fuel poverty (Prattiki tajbin fil-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija) ippubblikat mill-grupp ta' ħidma tal-EPEE) biex inaqqsu n-numru ta' persuni milquta mill-faqar fl-enerġija. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-prattiki tajbin jiffokaw fuq il-kawżi li ġejjin:

il-prezzijiet tal-enerġija (pereżempju tariffi soċjali jew sussidjati);

il-kwalità tal-bini (pereżempju l-promozzjoni ta' effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fir-residenzi privati u pubbliċi);

id-dħul baxx (pereżempju l-għajnuna finanzjarja).

Bl-istess mod, xi Stati Membri ħadu miżuri korrettivi biex itaffu l-konsegwenzi tal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-fatt li l-familji vulnerabbli ma jistgħux jiġu skonnessi fi żminijiet kritiċi.

2.11

It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa aspett ewlieni biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija. Il-proposta biex terġa’ titfassal mill-ġdid id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (COM(2008) 780 finali) tista’ tirrappreżenta opportunità f’dan il-qasam.

3.   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja hija riflessa fit-23 miljun individwu qiegħda

3.1

L-ekonomija Ewropea għaddejja mill-aktar reċessjoni qawwija mill-1930 ’il quddiem. Fl-2009, il-PDG tal-UE-27 kien 4,2 % inqas minn dak tal-2008, sena li matulha t-tkabbir diġà kien baxx (+0,8 %). Kien hemm żieda qawwija fil-qgħad, li f’Jannar 2010 kien jammonta għal 9,5 % tal-popolazzjoni attiva (1,5 punti perċentwali aktar mill-istess xahar tas-sena ta' qabel). B’riżultat ta' dan, fl-ewwel xahar tal-2010, 22 979 000 raġel u mara ma kellhomx xogħol. F’termini ta' perċentwali, il-Pajjiżi l-Baxxi (4,2 %) u l-Awstrija (5,3 %) irreġistraw l-aktar ċifri baxxi ta' qgħad; il-Litwanja (22,9 %) u Spanja (18,8 %) irreġistraw l-aktar ċifri għolja (Eurostat).

3.2

Il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku tal-aħħar tal-2008 ma tax ir-riżultati mistennija. Hekk kif hija ta’ tħassib id-data dwar is-sitwazzjoni attwali, huwa ta' tħassib il-fatt li l-pronjosijiet li saru sal-lum il-ġurnata (inklużi dawk li saru mill-Kummissjoni) jipprevedu rkupru “dgħajjef” fil-futur qarib. Għalkemm tnedew stimuli fiskali li huma ekwivalenti għal 5 % tal-PDG (għall-UE-27), huwa ċar li dawn mhumiex biżżejjed u, speċjalment, li ma teżisti l-ebda “strateġija tal-ħruġ” ikkoordinata tajjeb biex tiġi indirizzata l-kriżi.

3.3

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2007 seħħet fi sfond ta' staġnar jew tnaqqis tal-paga tal-ħaddiema Ewropej. Barra minn hekk, il-miżuri ekonomiċi li pproponew xi Stati Membri biex jonqos il-livell għoli ta' dejn u d-defiċit pubbliku għandhom effett fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (bħal pereżempju l-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-qgħad) u fuq is-servizzi pubbliċi.

3.4

Dan kollu joħloq prospettiva ta' tħassib għall-aktar djar vulnerabbli fil-kuntest ta' prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija.

4.   Il-politika Ewropea tal-enerġija

4.1

Ix-xewqa li jiġu liberalizzati s-swieq tal-enerġija ilha waħda mill-politiki ewlenin tal-UE tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Wara l-Kunsill tal-Enerġija f’Ġunju 1987, li ta spinta ’l quddiem lill-proċess, ġew ippubblikati l-ewwel direttivi dwar il-ftuħ tas-swieq tal-gass u tal-elettriku fl-aħħar tad-disgħinijiet u minn hemm ’il quddiem ittieħdu bosta passi f’din id-direzzjoni.

4.2

B’mod ġenerali, l-għanijiet mixtieqa tal-proċess ta' liberalizzazzjoni kienu l-ksib ta' settur tal-enerġija aktar effiċjenti u ekonomija Ewropea aktar kompetittiva. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha qablu mal-miżuri adottati u, fil-fatt, xi wħud qed jopponu bis-saħħa l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki.

4.3

Attwalment, hemm konċentrazzjoni konsiderevoli ta' provvista fis-suq tal-operaturi kemm tal-gass (f’10 Stati Membri, l-akbar tliet provvedituri jikkontrollaw 90 % jew aktar tas-suq) kif ukoll tal-elettriku (aktar minn 80 % f’14-il Stat Membru) (COM(2009) 115 finali).

4.4

Il-liberalizzazzjoni hija ta' benefiċċju għall-konsumaturi jekk tippromovi b’mod ġenwin il-kompetizzjoni, iżda f’għadd ta' Stati Membri l-oligopolji privati ħadu post il-monopolji pubbliċi u, b’riżultat ta' dan, jeħtieġ li jiżdiedu l-miżuri li jippromovu t-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija.

4.5

Għaldaqstant, ta' min jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati l-miżuri li jinsabu fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija. Dawn għandhom l-għan li jistabbilixxu suq ġenwin tal-enerġija bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati u jinkludu interkonnessjoni bejn in-netwerks, koordinazzjoni aħjar bejn l-operaturi u aktar setgħat għar-regolaturi nazzjonali.

5.   Il-liberalizzazzjoni għandha tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi

5.1

Il-liberalizzazzjoni tippromovi d-deċentralizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-enerġija u għandha tkun mezz kif jinkisbu xi benefiċċji ewlenin, bħal pereżempju prezzijiet aktar baxxi u provvista garantita tal-enerġija, kwalità mtejba tas-servizzi, għażla ikbar, u għażla li hija adatta għall-ħtiġijiet tal-konsumatur b’mod ġenerali u tal-konsumatur vulnerabbli b’mod partikolari. Madankollu, l-esperjenzi inizjali tal-Istati Membri kixfu ċerti problemi minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fit-tariffi u l-prezzijiet għoljin, fost affarijiet oħra.

5.2

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prezzijiet fl-ewwel nofs tal-2009 kienu ogħla mill-2008, għalkemm it-tendenza fir-rigward tal-prezzijiet taż-żejt tindika tnaqqis aktar sinifikanti fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Dan jista’ jkun, parzjalment, minħabba d-dewmien taż-żmien li t-tibdil tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt jeħtieġ li jiġi inkluż fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Madankollu, jidher li t-tnaqqis li kien hemm fin-nefqa tal-operaturi tal-enerġija ma ġiex rifless bis-sħiħ fil-prezzijiet tal-utent aħħari (ara COM(2009) 115 finali).

5.3

B’konsegwenza t’hekk, is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u tal-gass qed ikollhom impatt mhux sodisfaċenti fuq il-baġits tad-djar. 60 % tal-konsumaturi stqarru li l-provveditur tal-enerġija tagħhom żied il-prezzijiet, filwaqt li 3-4 % biss osservaw tnaqqis. Is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u l-gass kellhom riżultati partikolarment ħżiena f’termini ta' tqabbil tas-servizzi u l-faċilità li jinbidel il-provveditur. Is-settur tal-enerġija huwa settur fejn il-konsumatur l-anqas li jbiddel il-provveditur: 7 % biss tal-konsumaturi bidlu l-provveditur tal-gass tagħhom, u 8 % biss bidlu l-provveditur tal-elettriku tagħhom. (Il-Kummissjoni Ewropea, It-Tieni Rapport Annwali tal-UE dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi, 2 ta' Frar 2009).

6.   L-azzjoni tal-Ewropa fir-rigward tal-faqar fl-enerġija

6.1

Il-faqar fl-enerġija huwa prijorità soċjali ġdida li teħtieġ appoġġ fil-livelli kollha. Għalkemm id-dokumenti legali ppreżentati mill-UE huma tajbin (1), ir-reazzjoni tal-Istati Membri sal-lum ma kinitx adegwata. Pereżempju, minkejja l-fatt li d-direttivi dwar il-gass u l-elettriku (l-ewwel Direttiva 2003/53/KE u mbagħad Direttiva 2009/72/KE) saru obbligatorji fis-suq komuni, 10 mis-27 Stat Membru biss jipprovdu tariffi soċjali għall-konsumaturi vulnerabbli u t-terminu “konsumatur vulnerabbli” jintuża b’mod komuni fi 8 Stati Membri biss (Status Review of the definitions of vulnerable customer, default supplier and supplier of last resort. (Reviżjoni tal-istatus tad-definizzjonijiet ta' konsumatur vulnerabbli, ta' provveditur b’kontumaċja u provveditur tal-aħħar għażla) (ERGEG, 2009).

6.2

Mhux l-Istati Membri kollha qed jindirizzaw din il-problema u dawk li qed jindirizzawha qed jaġixxu għal rashom mingħajr ma jfittxu li jistabbilixxu sinerġiji ma' oħrajn, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi identifikat, evalwat u indirizzat il-faqar fl-enerġija fil-livell Ewropew. Biex nagħtu eżempju wieħed, id-definizzjoni tar-Renju Unit hija differenti minn dik li tintuża fl-Istati Membri l-oħra u tqis li jkun hemm faqar fl-enerġija meta familja jkollha bżonn tonfoq aktar minn 10 % tad-dħul tagħha biex issaħħan id-dar sa standard adegwat ta' sħana. Anke fid-dokumenti tal-UE, id-definizzjoni tvarja.

6.3

Kull Stat Membru li jkun qed jaġixxi fil-qafas tar-regoli stabbiliti tal-kompetizzjoni (nazzjonali, reġjonali jew lokali) huwa responsabbli biex jindirizza l-faqar fl-enerġija, però fin-nuqqas ta' leġislazzjoni nazzjonali effettiva dwar il-gass u l-elettriku, l-UE għandha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Fir-rigward ta' karburanti oħra, bħall-faħam, ir-responsabbiltà hija biss f’idejn l-Istati Membri.

6.4

L-Unjoni Ewropea toħroġ liġijiet dwar il-politika tal-enerġija, għandha setgħat f’dan il-qasam u għaldaqstant għandha impatt, kemm dirett kif ukoll indirett, fuq il-faqar fl-enerġija fl-Istati Membri. Għaldaqstant, l-UE għandha taġixxi u tfassal politiki fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha.

6.5

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija (COM(2007) 386 finali) “Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija” u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 (P6 – TA(2008) 0306), li dwarha l-KESE stqarr (2) li tinħtieġ forma legali vinkolanti biex jiġu garantiti d-drittijiet tal-pubbliku, kif sar f’okkażjonijiet oħra (3). Il-Kummissjoni rtirat din il-Karta u inkludiet xi punti fit-Tielet Pakkett tagħha, fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkollu impatt akbar (pereżempju, Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2009/72/KE).

6.6

Fir-rigward tas-suġġett ta' din l-opinjoni, ta' min ifakkar li t-test tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, li tiddikjara li “[s]abiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali” (Artikolu 34) u l-obbligu li tiżgura livelli għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 38).

6.7

Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi żgurat li tiġi implimentata l-garanzija ta' servizz universali, li jiġu rrispettati l-obbligi tas-servizz pubbliku, il-protezzjoni tal-gruppi soċjali li huma ekonomikament żvantaġġati u li jiffaċċjaw il-faqar fl-enerġija, pereżempju billi tiġi pprojbita l-iskonnessjoni fi żminijiet kritiċi, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u prezzijiet li jkunu raġonevoli, li jkunu jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar u li jkunu trasparenti. (4)

6.8

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija f’xi każijiet għall-konsumaturi – inklużi l-aktar konsumaturi vulnerabbli – peress li b’hekk:

il-produzzjoni tkun aktar qrib iċ-ċentri tal-konsum, billi jiġu installati unitajiet iżgħar, u b’hekk jonqos it-telf tal-enerġija minħabba t-trasport (fil-każ tal-elettriku, dan huwa stmat għal madwar 7 % u 10 %);

tiġi promossa l-ġenerazzjoni ta' enerġiji rinnovabbli;

tingħata spinta lill-iżvilupp teknoloġiku;

ikun hemm il-potenzjal li jinħolqu l-impjiegi u tiġi kkomplementata l-produzzjoni tal-enerġija.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p.55, Artikolu 7.

(2)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.

(3)  ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta’ konsum” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/10

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta' konsum

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’98 vot favur, 7 voti kontra u 8 astensjonijiet.

0.   Preambolu

Fil-kuntest tal-kriżi li l-Ewropa għadha qed tgħix, ir-realtà għal numru ta' Ewropej hija li għadhom qegħdin isibuha diffiċli biex ma jitilfux xogħlhom jew jiggarantixxu dħul finanzjarju. L-SMEs qegħdin jiġġieldu ħafna aktar biex ma jfallux, u li jissemmew il-mudelli sostenibbli jista’ jidher ftit lussuż. Madankollu, il-politiki għas-sostenibbiltà għandhom jinkludu wkoll il-miżuri biex jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa. Din l-opinjoni ser tiffoka fuq parti limitata tas-sostenibbiltà, dik tal-konsum. Bħala prinċipju bażi, il-KESE jemmen li wieħed mill-modi fuq perijodu fit-tul sabiex jiġi indirizzat il-konsum sostenibbli huwa billi tissaħħaħ iċ-ċittadinanza fost l-Ewropej, mhux biss billi jiġu trasferiti d-drittijiet bħala konsumaturi kif stabbiliti mit-Trattat ta' Lisbona, iżda wkoll billi jissaħaħ il-valur taċ-ċittadinanza, sabiex iċ-ċittadini mhux biss ikollhom id-dritt iżda wkoll ir-responsabbiltà morali biex jaġixxu b’mod sostenibbli.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’ekonomija sostenibbli, il-modi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum jikkontribwixxu għall-prosperità kontinwa tal-individwi, il-komunitajiet u d-dinja naturali. Il-maġġoranza tal-persuni f’soċjetà jeħtieġ li jiġu ggwidati minn set ta' valuri komuni. Bħalma diġà għamel f’opinjonijiet oħra, il-KESE jenfasizza li l-indikaturi ambjentali u soċjali għandhom jintużaw flimkien mal-PDG sabiex jitkejjel is-suċċess ta' politika pubblika.

1.2   Is-sistema Ewropea attwali tal-produzzjoni u l-konsum titqies bħala ambjentalment insostenibbli, speċjalment minħabba d-dipendenza tagħha fuq l-enerġija, il-materjali, l-art u l-ilma, u l-impatti tagħha fuq il-klima globali u l-bijodiversità. Kieku kulħadd jgħix stil ta' ħajja Ewropew, kieku jkollna bżonn aktar minn 2.5 pjaneti.

1.3   Il-Kunsill tal-UE qabel li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’80-95 % sal-2050. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija UE2020 għandha tqis miżuri għall-produzzjoni sostenibbli kif ukoll għal konsum sostenibbli. It-tnejn huma marbutin mill-qrib u jridu jiġu indirizzati jekk irridu nimminizzaw l-impatt fuq il-pjaneta.

1.4   Il-ksib ta' tnaqqis ta' 80-95 % fl-emissjonijiet fuq 40 sena filwaqt li jinżamm tkabbir ekonomiku annwali ta' 2-3 % jfisser li l-intensità tal-karbonju fl-ekonomija jkollha tonqos b’6-10 % kull sena. Rata ta' bidla teknoloġika bħal din applikata b’mod sostnut fuq l-ekonomija kollha qatt ma kien hemm bħalha. Għaldaqstant, ikun għaqli li jitnieda djalogu serju dwar il-potenzjal li jinbidlu t-tendenzi tal-konsum u l-mudell ekonomiku u soċjali globali li jiddependi mill-espansjoni tal-produzzjoni u tal-konsum, kif ukoll li jinstabu l-mezzi l-aktar rapidi possibbli għal titjib fil-katini tal-produzzjoni u tal-provvista.

1.5   L-isforzi għal bidla li jittieħdu biss mill-ogħla livell għal isfel aktarx ma jirnexxux. Il-bidla soċjali sikwit tibda minn gruppi żgħar fis-soċjetà u tinfirex permezz ta' sensiela varjata ta' mezzi ta' komunikazzjoni. Ir-rwol tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali jista’ jkun li jidentifika, iħeġġeġ u jappoġġja l-gruppi eżistenti li qed jaħdmu favur ħajja sostenibbli.

1.6   Hemm bżonn ta' djalogu li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali kollha. Mod wieħed ’il quddiem huwa li l-Kummissjoni taħdem mal-KESE biex jinħoloq forum dwar il-konsum sostenibbli li jesplora:

il-valuri li jistgħu jsawru ekonomija sostenibbli u t-tensjonijiet bejn it-tkabbir u s-sostenibbiltà ekoloġika, l-inklużjoni soċjali u l-libertà personali, il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni attwali u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri, eċċ.

jekk hemmx bżonn nikkonsmaw inqas f’ċertu oqsma,

x’jimpedixxi liċ-ċittadini milli jagħżlu forom ta' konsum aktar sostenibbli u kif jistgħu jgħinu l-gvernijiet lokali u nazzjonali u l-UE,

l-esperjenzi ta' individwi u gruppi li adottaw modi b’impatt baxx ta' għixien, u l-potenzjal biex dawn jiġu kkopjati,

il-miżuri meħtieġa biex jiġi appoġġjat konsum aktar sostenibbli fost gruppi partikolari, pereżempju l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, l-immigranti reċenti, il-familji bi tfal żgħar.

1.7   Id-djalogu jrid ikun marbut mal-azzjoni, li għandha tinkludi l-appoġġ għall-isperimentazzjoni li ssir minn gruppi li jaħdmu favur l-għixien sostenibbli u għall-komunikazzjoni tal-esperjenzi tagħhom, l-aġġustament u t-tisħiħ tal-politiki fejn ikun rilevanti, kif ukoll azzjoni prattika fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jipprovdu tmexxija u juru l-potenzjal għal aktar prattiki sostenibbli. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-aħjar prattiki jiġu ppubliċizzati sabiex tintwera l-possibbiltà għal tibdil fil-mudelli ta' konsum.

1.8   Il-konsum sostenibbli ma jistax jitqies biss bħala taqsira tal-politika tal-ambjent. Jeħtieġ inizjattivi f’ħafna oqsma ta' politika inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kummerċ, l-affarijiet tal-konsumatur, it-trasport, l-agrikoltura u l-enerġija.

2.   Bżonn ta' mudell ekonomiku u soċjali differenti

2.1   In-natura ta' ekonomija sostenibbli ilha tiġi diskussa għal ħamsin sena (1). F’ekonomija bħal din, il-modi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum jappoġġjaw il-prosperità kontinwa tal-individwi, il-komunitajiet u d-dinja naturali.

2.2   Sabiex mudell ekonomiku jkun awtosostenibbli, il-maġġoranza tal-persuni f’soċjetà jeħtieġ li jiġu ggwidati minn set ta' valuri komuni, bħalma attwalment huwa l-każ fl-Istati Membri tal-UE. Bħalissa, il-gvernijiet ixandru li jibbażaw fuq sett ta' valuri ekonomiċi billi jenfasizzaw il-PDG u indikaturi oħrajn biex jiġġestixxu l-politika tagħhom. In-nuqqasijiet tal-PDG bħala kejl ta' prosperità umana, soċjali u ekoloġika ġew rikonoxxuti b’mod mifrux. Biex jitkejjel il-progress lejn ekonomija sostenibbli, il-KESE ppropona li (2), apparti l-PDG għandha tintuża wkoll il-marka ekoloġika, flimkien ma' indikatur tal-kwalità tal-ħajja. Il-marka ekoloġika tikkalkula ż-żona ta' art produttiva meħtieġa biex issostni ċertu tip ta' ħajja għal persuna, grupp ta' nies, istituzzjoni jew reġjun. Indikatur tal-kwalità tal-ħajja għandu jqis is-saħħa, ir-rikezza materjali, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, il-parteċipazzjoni soċjali u l-integrazzjoni ta' persuna ġdida, il-ħin liberu u l-kwalità tal-ambjent.

2.3   L-użu ta' sett usa’ ta' indikaturi biex jitkejjel is-suċċess ta' politika governattiva jista’ jkun mistenni li jwassal għal inqas enfasi fit-tfassil tal-politika dwar il-promozzjoni tat-tkabbir tal-PDG, u aktar fuq dimensjonijiet oħra ta' benesseri umani, soċjali u ekoloġiċi.

3.   L-isfida ekoloġika

3.1   L-Aġenzija Ambjentali Ewropea tenfasizza żewġ kategoriji prinċipali ta' kwistjonijiet fir-rapport li ser tippubblika dalwaqt dwar l-Istat tal-Ambjent u l-Perspettiva għall-2010: il-klima u l-enerġija, u l-bijodiversità u l-ekosistemi (3). L-isfida ċentrali għas-sostenibbiltà tas-soċjetà Ewropea hija d-degradazzjoni tal-ekosistemi li jsostnuha u tal-bażi tar-riżorsi tagħha inklużi l-enerġija, il-ħamrija u l-ilma. Fl-2003, il-marka ekoloġika medja tal-UE ġiet stmata għal kważi 5 ettari, li qedin jiżdiedu, għal kull persuna filwaqt li d-disponibbiltà globali tal-art kienet biss ta' 1.8 ettaru għal kull persuna u din qed tonqos (4). Għalhekk, kieku kulħadd jgħix stil ta' ħajja Ewropew, kieku jkollna bżonn aktar minn 2.5 pjaneti.

3.2   Il-bidla fil-klima hija partikularment importanti peress, apparti l-impatti diretti fuq il-ħajja umana, hemm possibbiltà li taggrava l-impatti tas-soċjetà fuq il-bijodiversità, l-ilma ħelu u sistemi oħrajn. L-akbar kontributur għall-marka ekoloġika tal-Ewropa hija l-użu tagħha tal-karburanti fossili u l-produzzjoni tal-gassijiet b’effett ta' serra. Elementi prinċipali oħra jinkludu l-użu tal-art għall-agrikoltura, it-trasport u l-bini. Il-marka ekoloġika ma tqisx b’mod adegwat aspetti prinċipali oħra tal-ekonomija Ewropea, inklużi l-użu tal-ilma (l-aktar għall-agrikoltura) u l-minerali skarsi.

3.3   Il-Kunsill tal-UE qabel li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’80-95 % sal-2050 – nuqqas annwali ta' 4-7 %. Jinsab impenjat inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, jew bi 30 % jekk pajjiżi oħra jagħtu impenji simili. Fil-fatt, il-KESE ppropona (5) li l-mira ta' 30 % tkun bla ebda kondizzjoni.

3.4   L-UE qed tfittex li tikseb mitigazzjoni tal-gassijiet b’effett ta' serra primarjament permezz tal-mezzi teknoloġiċi filwaqt li ssostni t-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li teżisti t-teknoloġija biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għall-2020, il-progress fl-implimentazzjoni kien batut. Fl-1997, l-UE15 impenjat ruħha għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 8 % sal-2008-2012 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, iżda l-emissjonijiet fl-2006 naqsu biss bi 2.2 %. Fl-UE27, l-emissjonijiet naqsu għal 7.7 % f’dan il-perijodu, iżda ogħlew b’1.5 % mill-2000 (6). Sa mis-snin 90, l-effiċjenza enerġetika tal-UE tjiebet b’0.5 % biss kull sena (7).

3.5   Il-ksib ta' tnaqqis ta' 80-95 % fl-emissjonijiet fuq 40 sena filwaqt li jinżamm tkabbir ekonomiku annwali ta' 2-3 % ifisser li l-intensità tal-karbonju tal-ekonomija jkollha tonqos b’6-10 % kull sena. Rata ta' bidla teknoloġika bħal din applikata b’mod sostnut fuq l-ekonomija kollha qatt ma kien hemm bħalha. Għaldaqstant, ikun għaqli li jitnieda djalogu serju dwar il-potenzjal li jinbidlu t-tendenzi tal-konsum u l-mudell ekonomiku u soċjali globali li jiddependi mill-espansjoni tal-produzzjoni u tal-konsum, kif ukoll li jinstabu l-mezzi l-aktar rapidi possibbli għal titjib fil-katini tal-produzzjoni u tal-provvista.

4.   Konsum sostenibbli: l-iffaċilitar tal-għażla

4.1   Matul is-Summit tad-Dinja li nżamm f’Rio fl-1992, il-gvernijiet Ewropej taw l-impenn tagħhom li jeliminaw il-konsum u l-mudelli ta' produzzjoni li mhumiex sostenibbli. Fil-Proċess ta' Marrakexx komplew jagħtu l-impenn tagħhom biex jiżviluppaw pjani ta' azzjoni għal konsum u produzzjoni sostenibbli sal-2010, sabiex jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2011.

4.2   Hemm korp dejjem jikber ta' riċerka dwar il-konsum sostenibbli u l-mezzi ta' kif dan jista’ jinkiseb (8). Il-konsumaturi jħossuhom msakkra fl-istili ta' ħajja attwali tagħhom – pereżempju, anke jekk jixtiequ jużaw il-karozza anqas, ma jistgħux jimmaġinaw kif jistgħu jagħmlu dan. Il-konsum huma msawwar u llimitat minn sensiela ta' influwenzi fosthom il-bżonnijiet psikoloġiċi, il-personalità, l-ambjent soċjali, il-fatturi kulturali, u d-disponibbiltà u l-prezzijiet ta' prodotti u servizzi alternattivi. Fis-soċjetà tal-konsum, l-għażliet tal-konsum jaqdu rwol ċentrali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjali u psikoloġiċi – pereżempju li tkun parti minn grupp, l-awtostima u d-definizzjoni tal-identità personali. Dan kollu jagħmilha diffiċli biex l-individwi jikkunsidraw bidla, u biex il-gvernijiet jintroduċu politika għal bidla fil-konsum. Meta ġew implimentati politiki bħal dawn, ir-riżultati, wisq insostanzjali jew bil-mod, kienu fil-maġġorparti diżappuntanti, u għalhekk kien diffiċli biex jiġu sostnuti quddiem ir-reżistenza tal-interessi maħluqin.

4.3   Sadattant, il-motivazzjonijiet, it-tendenzi tal-konsum u r-risposti possibbli għal politiki speċifiċi jvarjaw b’mod konsiderevoli minn persuna għal oħra. Għal individwu partikolaei dawn jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni. Għalhekk m’hemmx soluzzjoni sempliċi ta' politika għall-konsum sostenibbli. Pjuttost tinħass l-influwenza ta' sensiela ġenerali ta' politiki f’oqsma li jinkludu l-agrikoltura, l-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa. Jistgħu jinħtieġu strateġiji partikolari biex jiġu appoġġjati għażliet aktar sostenibbli minn gruppi speċifiċi bħall-anzjani u ż-żgħażagħ.

4.4   Fi żminijiet ta' emerġenza nazzjonali u ta' gwerra n-nies adottaw rażan volontarju bil-massa iżda l-kriżi ekoloġika, b’mod ġenerali, ma titqiesx bħala emerġenza fuq skala bħal din. Madankollu, hemm għadd li dan l-aħħar qed jiżdied ta' nies li għażlu stili ta' ħajja aktar sempliċi biex inaqqsu l-impatt ekoloġiku tagħhom. Xi wħud mill-aktar sforzi ta' suċċess għall-bidla fil-konsum kienu bbażati fuq il-ħolqien ta' gruppi komunitarji – pereżempju l-approċċ tal-Ecoteam użat f’diversi pajjiżi mill-Pjan ta' Azzjoni Globali, li jgħaqqad flimkien gruppi żgħar ta' nies f’viċinat, post tax-xogħol jew skola biex jimmonitorjaw l-iskart tagħhom u l–konsum tal-enerġija u tal-ilma u jidentifikaw azzjoni li jistgħu jieħdu biex jgħixu b’mod aktar sostenibbli.

4.5   L-isforzi għal bidla li jittieħdu biss mill-ogħla livell għal isfel aktarx ma jirnexxux – speċjalment fejn il-politiċi bi stili ta' ħajja bbażata ħafna fuq il-konsum qed jippruvaw jinfluwenzaw il-pubbliku ġenerali. Il-konsum sostenibbli mhuwiex prijorità importanti ħafna għal ħafna min-nies. Madankollu, il-bidla soċjali sikwit tibda minn gruppi żgħar fis-soċjetà u tinfirex permezz ta' mezzi differenti ta' komunikazzjoni, inklużi l-mezzi tax-xandir tal-massa, l-arti, netwerks informali ta' ħbiberija u organizzazzjonijiet ta' twemmin. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom rwol li jidentifikaw u jħeġġu lill-gruppi eżistenti li qed jaħdmu favur ħajja sostenibbli milli jimponi l-fehma tagħhom dwar x’inhu meħtieġ fuq il-komunità b’mod ġenerali.

4.6   L-għażla ta' stil ta' ħajja sostenibbli m’għandhiex titqies u tintwera bħala lussu li jistgħu jippermettuha biss dawk li għandhom il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu din l-għażla. Il-KESE enfasizza li l-produzzjoni sostenibbli m’għandhiex tfisser prezz ogħla (9) iżda għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Huwa essenzjali li l-konsum b’impatt baxx ma jkunx jiswa aktar għall-individwi peress li dan jiffaċilita l-għażliet għal parti waħda biss tas-soċjetà u jwassal għall-marġinalizzazzjoni tal-foqra u dawk bi dħul aktar baxx.

4.7   Il-KESE jenfasizza li biex jiġu ffaċilitati l-għażliet għal mod ta' konsum b’impatt baxx jeħtieġ li jiġu indirizzati oqsma kritiċi oħra tal-benesseri, li wħud minnhom huma meqjusa bħala aktar essenzjali, fosthom l-opportunitajiet ta' impjieg, pagi adatti għal xogħol li jkun sar, impjiegi deċenti u aċċess għall-kreditu għall-SMEs.

5.   Kwistjonijiet ta' politika li għandhom jiġu indirizzati

5.1   L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom tradizzjoni konsolidata biex jiddefinixxu viżjoni u jmexxu lejn bidla radikali, fid-dawl tal-kostruzzjoni ta' Ewropa magħquda. Madankollu, huma ħadmu l-aktar b’mudell pluralistiku, fejn iffaċilitaw il-ftehim bejn il-gvernijiet aktar milli ggwidaw il-bidla f’direzzjonijiet partikolari. Kien hemm każijiet fejn l-UE ħadet l-inizjattiva, pereżempju fir-rigward ta' standards tas-saħħa u dawk ambjentali. Dawn l-esperjenzi jistgħu jkunu ta' valur għall-bini ta' ekonomija sostenibbli. It-tmexxija u l-ispirazzjoni jistgħu jkunu importanti daqs l-għarfien espert u l-ħila burokratika.

5.2   Il-Kumitat laqa’ l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (10). Ħafna politiki oħra tal-UE huma rilevanti għall-konsum sostenibbli, fosthom l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS), id-Direttiva relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief, id-Direttiva dwar il-Bijokarburanti, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, id-Direttiva dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija, u d-dispożizzjonijiet ambjentali fil-Politika Agrikoli Komuni. Madankollu, il-politika tal-UE tiffoka fuq strumenti tas-suq u l-istandards tat-teknoloġija u tal-prodott. Hija biss l-ETS li tindirizza l-livelli assoluti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra. Objettivi politiċi oħra, bħaż-żieda tal-mobbiltà, huma diffiċli biex jiġu kkonċiljati. Ftit li xejn hemm politiki li jindirizzaw direttament il-konsum u l-istili ta' ħajja u huwa ċar li l-politiki mhumiex adatti biex jiksbu l-miri ta' tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra u l-indipendenza minn riżorsi minerali mhux sostenibbli.

5.3   Hemm bżonn ta' djalogu li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali kollha. Mod wieħed ’il quddiem huwa li l-Kummissjoni taħdem mal-KESE u korpi oħra biex jinħoloq forum dwar il-konsum sostenibbli li jesplora:

il-valuri li jistgħu jsawru ekonomija sostenibbli u t-tensjonijiet li għandhom jiġu indirizzati, eż. bejn it-tkabbir u s-sostenibbiltà ekoloġika, l-inklużjoni soċjali u l-libertà personali, il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni attwali u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri, eċċ.;

jekk hemmx bżonn nikkonsmaw inqas f’ċertu oqsma. Il-konsum tal-ikel, l-enerġija u t-trasport huma responsabbli għall-maġġoranza tal-gassijiet b’effett ta' serra. Hemm frizzjonijiet bejn is-sostenibbiltà u objettivi oħra, iżda wkoll sinerġiji potenzjali (pereżempju, iċ-ċikliżmu jista’ jkun ta' ġid għas-saħħa u għall-ambjent);

x’jimpedixxi liċ-ċittadini milli jagħżlu forom ta' konsum aktar sostenibbli u kif l-gvernijiet lokali u nazzjonali u l-UE jistgħu jgħinu. Dan jista’ jinkludi pereżempju l-iżgurar li l-politiki eżistenti (pereżempju d-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini) jiġu implimentati bis-sħiħ u jissaħħu l-miżuri fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni tal-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu ikel prodott b’mod aktar sostenibbli;

l-esperjenzi ta' individwi u gruppi li adottaw modi b’impatt baxx ta' għixien, u l-potenzjal biex dawn jiġu kkopjati. Dan jista’ jinkludi organizzazzjonijiet bħall-Pjan ta' Azzjoni Globali, li l-EcoTeams tiegħu tipikament jirnexxilhom jiksbu tnaqqis ta' 40-50 % fl-iskart mhux irriċiklat, netwerks bħal Transition Towns li jaħdmu biex jibnu komunitajiet lokali li jkunu flessibbli fir-rigward tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, u gruppi ta' twemmin bħall-Quakers li għandhom valuri dejjiema li jappoġġjaw għixien b’impatt baxx. Xi individwi f’uħud minn dawn il-gruppi u netwerks żviluppaw stili ta' ħajja sodisfaċenti filwaqt li jużaw 60-80 % anqas materjali u riżorsi tal-enerġija mill-medja tal-UE;

il-miżuri meħtieġa f’perijodu ta' bidla lejn konsum aktar sostenibbli biex jiġi appoġġjat l-aġġustament ta' gruppi partikolari, pereżempju l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, l-immigranti reċenti, il-familji bi tfal żgħar;

kif nistgħu nagħqdu flimkien il-bidja lejn konsum b’impatt baxx u l-produzzjoni sostenibbli mal-kompetittività tas-suq intern.

5.4   Il-politika għandha tindirizza kemm azzjonijiet immedjati kif ukoll dawk fil-perijodu fit-tul għall-bidla fil-konsum. L-esperjenza tgħallem ħafna, pereżempju fil-każ tat-tipjip, fejn taħlita ta' prezzar, regolamenti, tikkettar u edukazzjoni wasslu għal bidla sostanzjali fl-attitudnijiet u imġiba.

5.4.1   L-inċentivi fil-prezzijiet huma parti importanti f’pakkett ta' politika, iżda teżisti tensjoni bejn l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija (11) u l-bżonn li jitnaqqas il-konsum. It-taxxi fuq il-karbonju jew il-kummerċ iridu jiġu kkomplementati minn miżuri oħra. Pereżempju, mingħajr appoġġ b’saħħtu għall-insulazzjoni tad-dar u sorsi alternattivi tal-enerġija, il-prezzijiet għoljin tal-karburant jew tal-karbonju jistgħu jżidu l-faqar marbut mal-ispiża ta' karburant.

5.4.2   F’bosta okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-importanza tal-programmi edukattivi għal imġiba sostenibbli effettiva. Il-KESE jtenni li dawn il-programmi ta' tagħlim m’għandhomx ikunu immirati biss lejn l-iskejjel u ż-żgħażagħ, li huma importanti, iżda wkoll lejn nies minn kull stadju tal-ħajja. L-anzjani għandhom jiġu pprovduti b’edukazzjoni vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u programmi. Huwa importanti li l-prattiki sostenibbli ma jżidux il-marġinalizzazzjoni ta' gruppi, bħall-persuni qiegħda.

5.5   Id-djalogu għandu jkun marbut mal-azzjoni, li għandha tinkludi l-appoġġ għall-esperimentazzjoni li ssir minn gruppi li jaħdmu favur l-għixien sostenibbli u għall-komunikazzjoni tal-esperjenzi tagħhom. Biex ikun ta' użu għandu jittieħed bis-serjetà mill-istituzzjonijiet tal-UE, iwassal għal aġġustament u t-tisħiħ tal-politiki, fejn ikun rilevanti, u għal azzjoni prattika fi ħdan dawk l-istituzzjonijiet biex jipprovdi tmexxija u juru l-potenzjal għal aktar prattiki sostenibbli.

5.6   Il-konsum sostenibbli ma jistax jitqies biss bħala taqsira tal-politika tal-ambjent. Jeħtieġ inizjattivi f’ħafna oqsma ta' politika inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kummerċ, il-kompetizzjoni, l-affarijiet tal-konsumatur, it-trasport, l-agrikoltura u l-enerġija.

5.7   Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’mod serju azzjoni għal konsum sostenibbli fil-qafas tal-programm ta' ħidma tal-2010 tal-Kummissjoni “Żmien li tittieħed azzjoni” (12) u għaldaqstant fi ħdan l-UE2020.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Boulding, K. “The economics of the coming spaceship earth”, in Environmental Quality in a Growing Society, (Baltimore: Johns Hopkins University Press, 1966) pp. 253 ff.

(2)  Opinjoni fil-ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.

(3)  L-Aġenzija Ambjentali Ewropea, Signals 2010.

(4)  Global Footprint Network u WWF, Europe 2007: Gross Domestic Product and Ecological Footprint (Ewropa 2007: Prodott Domestiku Gross u l-Marka Ekoloġika).

(5)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 73.

(6)  ŻEE, Annual European Community greenhouse gas inventory 1990–2006 and inventory report 2008 (Inventarju annwali tal-gassijiet b’effett ta' serra tal-Komunità Ewropea 1990-2006 u r-rapport inventarju 2008): Imressaq lis-Segretarjat tal-UNFCCC, (Kopenħagen: ŻEE, 2008).

(7)  Tipping, P. et al., Impact Assessment on the Future Action Plan for Energy Efficiency, (Valutazzjoni tal-Impatt tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Futur għall-Effiċjenza fl-Enerġija) imwetta minn ECN (NL) u WS Atkins (UK) għal DĠTREN. Kuntrattur: ECORYS, NL (2006).

(8)  Jackson, T. Motivating Sustainable Consumption: A Review of Evidence on Consumer Behaviour and Behavioural Change (Nimmotivaw il-Konsum Sostenibbli: Ħarsa lejn l-Evidenza dwar l-Imġiba tal-Konsumatur u t-Tibdil fl-Imġiba), rapport tan-Netwerk tar-Riċerka dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, 2005, disponibbli minn: http://www.sd-research.org.uk/.

(9)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1.

(10)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 46.

(11)  Monti, M., A. A New Strategy for the Single Market (Strateġija ġdida għas-suq uniku), Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Mejju 2010.

(12)  COM(2010) 135 finali, vol. I.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Informazzjoni għall-konsumatur” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/11

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Informazzjoni għall-konsumatur

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’81 vot favur, vot wieħed kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Illum il-ġurnata id-dritt taċ-ċittadin għall-informazzjoni, fl-aspetti varji tagħha – il-libertà tal-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinforma, id-dritt li wieħed jiġi informat u, b’mod partikulari d-dritt għall-informazzjoni għall-konsumatur – huwa rikonoxxut b’mod ġeneralment vinkolanti bħala dritt fundamentali fis-sistema legali Komunitarja fil-leġislazzjoni primarja (paragraph 5 of the Preamble and Articles 11, 27, 38, 42 and 53 of the EU Charter of Fundamental Rights, Article 2 TEU and Article 169 TFEU).

1.2   Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir b’rabta mal-leġislazzjoni sekondarja, fejn il-konfigurazzjoni l-ġdida ta' din ir-regola bażika għadha ma ġietx trasposta jew definita. Fil-fatt, il-kontenut tad-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, l-aċċess għaliha u l-importanza, il-profil u l-mod kif dan isir mhumiex indirizzati b’mod konsistenti fil-liġi Komunitarja u jidhru ommissjonijiet u duplikazzjonijiet li għandhom impatt fuq il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u jiġu amplifikati minnha; dan jagħmel ħsara kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-atturi ekonomiċi, u bħala konsegwenza, anke għall-isforzi biex jiġi komplut is-suq uniku.

1.3   Il-KESE jaħseb li d-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni, kemm jekk hu prekuntrattwali, kuntrattwali jew postkuntrattwali, kif ukoll għall-għajnuna u għall-għoti ta' pariri – mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' sussidjarjetà – għandu jiġi ttrattat minn regoli speċifiċi tal-UE.

1.4   L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, li bilfors trid tkun limitata għall-aspetti fundamentali tad-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni, għaldaqstant huwa li jiġu enfasizzati wħud mill-prinċipji li joħorġu minn dan l-approċċ ġdid u l-konsegwenzi prattiċi tagħha, b’mod partikulari fil-qafas tal-passi biex jiġi żviluppat suq uniku għas-seklu 21 bħala parti mill-Istrateġija tal-2020.

1.5   Huwa neċessarju li jiġi rikonoxxut li l-linji gwida l-iktar reċenti tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur inġenerali u d-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni b’mod partikulari, filwaqt li jagħmlu użu indiskriminat tat-teknika ta' armonizzazzjoni sħiħa, qed imorru kontra dan il-kunċett billi, bil-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrestrinġu l-kapaċità tal-Istati Membri biex jgħollu l-livelli tad-drittijiet tal-konsumatur u anke jillimataw din il-kapaċità billi jimponu effett retroattiv fuq id-drittijiet mogħtija taħt id-direttivi tal-Komunità u fil-kostituzzjonijiet u l-liġijiet tal-Istati Membri.

1.6   Il-KESE għadu jemmen li, meta jiġu ddefiniti l-liġijiet tal-konsumatur li jaqgħu taħt l-ambitu tal-UE, għandu jippredomina l-kunċett tal-parti l-iktar dgħajfa u l-iktar vulnerabbli, u mhux dak tal-konsumatur imnebbaħ, li josserva u jqis sew l-imġiba tiegħu hu u jieħu deċiżjonijiet fuq bażi purament ekonomika. F’konformità ma' dan l-approċċ, il-KESE għadu tal-fehma li armonizzazzjoni minima u livell għoli ta' ħarsien huma iktar konformi mar-rekwiżiti tat-trattati u iktar konsistenti man-natura vera tar-relazzjonijiet mal-konsumatur.

1.7   Huwa fl-isfond ta' dan li jispikka l-kunċett ta' “informazzjoni xierqa”, fejn għandha tingħata iktar importanza lill-kwalità tal-informazzjoni u mhux il-kwantità, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi reali tal-konsumaturi, skont l-għan, il-kontenut, il-preżentazzjoni u l-kontest ta' din l-informazzjoni.

1.8   Fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni inġenerali, huwa essenzjali li jiġi stabbilit il-karattru universali ta' dritt suġġettiv fil-livell Komunitarju, kif ukoll li jiġu identifikati l-obbligi tal-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet professjonali li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli.

1.9   Fil-każ tar-rwol tal-komunikazzjonijiet kummerċjali fl-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi, inkluż ir-reklamar, il-KESE huwa tal-fehma li ġeneralment għandha tapplika r-regola stipulata fid-direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, li tgħid li l-messaġġi b’informazzjoni preċiża u konkreta dwar kull prodott, servizz u dritt li huwa l-oġġett ta' relazzjoni ma' konsumatur għandhom jitqiesu bħala parti integrali tal-kuntratt.

1.10   Fuq l-istess suġġett, l-istruttura kollha kemm hi tad-direttiva dwar prattiki kummerċjali mhux ġusti għandha tiġi riveduta u riformulata sabiex jiġu evitati l-effetti diżastrużi ta' armonizzazzjoni sħiħa, li issa qed jiġu rikonoxxuti f’sensiela sħiħa ta' sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja.

1.11   L-oqsma fejn madankollu għad hemm ħin biex tittieħed azzjoni skont il-linji rrakkomandati f’din l-opinjoni jinkludu: il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, fejn għandha titfassal “karta tad-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni” li hija ġenwina; l-aspetti prekuntrattwali, kuntrattwali u postkuntrattwali; id-dritt għall-pariri u għajnuna; u definizzjoni kemm tan-natura tan-nuqqasijiet kif ukoll tal-konsegwenzi ta' ommissjonijiet fl-informazzjoni u ta' informazzjoni mhux korretta.

1.12   Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li ssir reviżjoni mill-bidu sal-aħħar tal-lista ddettaljata ta' rekwiżiti ta' informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali li jiġu imposti fuq professjonisti u li ta' sikwit ikunu kontradittorji, inkonsistenti u dduplikati f’direttivi settorjali varji.

1.13   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu ddefiniti rekwiżiti ġenerali fir-rigward ta' dawn l-obbligi, f’konformità mal-linji gwida li ġejjin:

a.

Għandu jkun hemm obbligu ġenerali biex tingħata informazzjoni prekuntrattwali li tkopri, fost oħrajn, il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, il-professjonist involut, il-prezz għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet assoċjati, id-dritt ta' rtirar u l-metodu ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti li ntuża.

b.

Il-kontenut u l-livell tal-informazzjoni prekuntrattwali mogħtija għandhom ikunu aġġustati b’mod wiesa’ skont il-prodotti u/jew is-servizzi kkonċernati, b’mod speċjali jekk is-suġġett huwa kumpless jew għandu impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur.

c.

Il-mod kif tingħata l-informazzjoni għandu jikkonforma mal-prinċipju ġenerali tal-ġustizzja: m’għandhiex tinganna u lanqas tħalli barra aspetti ewlenin, u għandha tkun ċara u li tinftiehem, mhux biss fir-rigward tal-oġġett tal-kuntratt iżda wkoll tal-mod kif inhu rreklamat u kif jitqiegħed fis-suq.

d.

Informazzjoni prekuntrattwali għandha tinkorpora l-kuntratt konkluż mill-konsumatur.

e.

Għandu jiġi stabbilit il-prinċipju ta' informazzjoni b’xejn dwar aspetti fundamentali tal-kuntratt, flimkien mal-prinċipju tal-alinjament tal-prezzijiet skont l-ispejjeż f’każijiet oħrajn.

f.

Meta jiddeċiedu biex jiffirmaw kuntratt, konsumaturi għandu jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tkun disponibbli u għandhom id-dritt li jingħataw kjarifika dwar din l-informazzjoni kif ukoll dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-kuntratt.

g.

Għandu jiġi previst l-obbligu biex il-professjonist ikun obbligat jagħti għajnuna u pariri; għandha tkun partikularment stretta fejn jidħlu prodotti u/jew servizzi li huma jew kumplessi jew jinvolvu riskji għas-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumatur, skont il-kriterji msemmija f’punt 8.

h.

Ir-responsabbiltà tal-prova li jiġi stabbilit li l-informazzjoni prekuntrattwali ngħatat u li ntlaħaq l-obbligu biex tingħata għajnuna taqa’ f’idejn il-professjonist.

i.

Billi huwa punt importanti, in-nuqqas ta' konformità ma' informazzjoni prekuntrattwali u obbligi ta' għajnuna għandu jwassal għad-dritt tal-irtirar flimkien ma' kumpens mogħti għad-danni.

1.14   Il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni ddettaljata tal-proposta għal direttiva msemmija hawn fuq, b’mod partikulari l-parti li tittratta d-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, bil-għan li jiġu inkorporati l-prinċipji u l-każijiet partikulari fejn dawn id-drittijiet japplikaw, kif inhu rrakkomandat f’din l-opinjoni.

1.15   Il-Kumitat isejjaħ ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex qabel ma japprovaw il-proposta msemmija hawn fuq, jindirizzaw il-punti ewlenin fiha li huma relatati mad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni, skont il-linji mfissra f’din l-opinjoni.

1.16   Għandu wkoll jiġi stabbilit qafas legali koerenti, fil-livell Komunitarju, sabiex tiġi rregolata l-komunikazzjoni kummerċjali online, li tirrispetta, f’kull każ, id-dritt għall-privatezza personali bħala dritt fundamentali tal-persuna.

2.   Daħla: id-dritt għall-informazzjoni – dritt fundamentali taċ-ċittadinanza – u d-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni

2.1   Din hija l-ewwel darba li approċċ indipendenti u sistematiku ġie adottat minn istituzzjoni tal-UE lejn id-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni, fil-qafas usa’ tad-dritt għall-informazzjoni bħala wieħed mid-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea. Il-KESE qed jadotta dan l-approċċ bħala kontribuzzjoni għal diskussjoni usa’ dwar din il-kwistjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili inġenerali, mingħajr ma jinsa l-impatt ċar li din ikollha fuq kull approċċ ġdid sabiex jiġi komplut is-suq uniku.

2.2   L-immensità ta' dan is-suġġett tesiġi definizzjoni mgħarbla sew tiegħu – konsegwenza neċessarja tal-limiti naturali ta' opinjoni ta' dan it-tip u r-riżultat ta' kontribuzzjonijiet mressqa minn korpi varji u t-tħassib espress waqt is-seduta li kellha attendenza tajba li ġiet organizzata mill-KESE fl-1 ta' Marzu 2010 (dettalji dwarha jinsabu fil-paġna tal-SMO fis-sit tal-internet tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.consumer-information).

2.3   Huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt taċ-ċittadin għall-informazzjoni, imħaddan fid-dikjarazzjonijiet l-iktar universali u fil-karti tad-drittijiet fundamentali, sar parti integrali tas-sistema legali Komunitarja biss meta l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali ġiet inkorporata fit-Trattat ta' Lisbona (li daħal fis-seħħ m’ilux). Din tkopri l-libertà tal-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinforma/id-dritt li wieħed jikseb l-informazzjoni, u d-dmir li wieħed jinforma/id-dritt li wieħed jiġi infurmat (ara b’mod partikulari l-punt 5 tal-Preambolu u l-Artikoli 11, 27, 38, 42 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamental tal-UE, l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 169 TFUE). Barra minn hekk, hemm ukoll id-dritt fundamentali għall-privatezza fir-rigward tal-prattiki kummerċjali aggressivi u mhux mixtieqa mill-konsumatur u fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mixtieqa jew “spam”.

2.4   Dawn l-aspetti huma partikularment importanti llum, b’mod speċjali f’relazzjoni mad-drittijiet tal-konsumatur, l-iktar l-essenza ta' dawn id-drittijiet u l-mod kif inhuma eżerċitati, kif ukoll l-obbligi speċjali assoċjati magħhom li huma r-responsabbiltà tal-partijiet varji involuti, mill-mument li jitqiesu bħala drittijiet fundamentali u jridu jiġu kkunsidrati meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki u l-miżuri varji tal-Komunità.

2.5   Fil-fatt, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-kompetenzi maqsuma li jirregolaw is-sistema legali tal-UE f’dan il-qasam, il-lum il-ġurnata hija prekundizzjoni bażika għall-operazzjoni tajba tal-mudell tal-kompetizzjoni ħielsa partikulari għas-sistema tal-ekonomija tas-suq li fuqha tissejjes l-UE, li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-fatti ewlenin kollha għal teħid ta' deċiżjonijiet b’mod razzjonali f’dan is-suq.

2.6   Waħda mill-konsegwenzi ta' dan l-obbligu ġenerali huwa d-dmir li tiġi żgurata “t-trasparenza” fit-tħaddim tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, fejn “is-sigrieti” għandhom ikunu l-eċċezzjoni, fil-każ neċessarju ta' konsiderazzjonijiet importanti relatati mat-tħaddim tajjeb ta' sistema legali, l-interess pubbliku, il-liġi u l-ordni pubblika, u l-ħarsien tal-ħajja privata. Għalkemm m’hemmx dubju li sar progress importanti mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u ġew implimentati inizjattivi mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew (1), din il-linja gwida sfortunatament ma ġietx adottata mill-Kunsill; it-tama hija li bid-dħul fis-seħħ tat-Tratta ta' Lisbona l-ġdid ser isir progress sinifikanti. Minkejja r-rilevanza ta' dan is-suġġett għat-titjib tal-informazzjoni għall-konsumaturi inġenerali, mhux ser jiġi indirizzat fid-dettall; il-qarrejja huma mitluba jfittxu l-opinjoni tal-KESE li tiffoka fuq dan is-suġġett preċiż.

2.7   Barra minn hekk, minkejja r-rilevanza tagħhom li ħadd ma jista’ jinnegaha, aspetti relatati mal-edukazzjoni ġenerali għall-konsumaturi mhux ser jiġu indirizzati lanqas, iżda l-qarrejja jistgħu jirriferu għall-opinjonijiet tal-KESE dwar dan is-suġġett (2), b’mod partikulari l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-Edukazzjoni tal-Konsumatur” (3).

2.8   Fl-aħħar nett, għalkemm tirrikonoxxi b’mod ċar il-ħtieġa għal approċċ settorjali għad-dritt għall-informazzjoni fil-livell tal-Komunità sabiex tiġi enfasizzata n-natura speċifika ta' xi oqsma, prodotti u servizzi – bħal prodotti tal-ikel, mediċini, servizzi finanzjarja u l-kummerċ elettroniku – fejn għandhom jittieħdu passi sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni fl-ogħla livell, il-limitazzjonijiet li jagħmlu parti intrinsika minn opinjoni ta' dan it-tip mhumiex konsistenti ma' dokument daqstant iddettaljat.

2.9   Għaldaqstant, enfasi partikulari ta' din l-opinjoni se tkun il-linji gwida li għandhom jiġu adottati fil-livell Komunitarju sabiex jiġu definiti u kkaratterizzati d-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni inġenerali u b’mod partikulari l-istadji varji f’relazzjoni kuntrattwali.

3.   Il-konsumatur “medju” kontra l-konsumatur “vulnerabbli” – il-kunċett ta' informazzjoni adegwata

3.1   Mill-bidu nett il-programmi tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur (li ssarrfu fil-miżuri leġislattivi l-iktar importanti ta' dawn l-aħħar 30 sena), l-aquis Komunitarju – appoġġjat mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u approċċ komuni adottat mill-ogħla esperti f’dan il-qasam – iċċara l-kunċett tal-konsumatur bħala “l-parti l-iktar dgħajfa” f’relazzjoni legali bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ li min-natura tagħha mhijiex indaqs; barra minn hekk, il-leġislazzjoni kollha f’din l-isfera kienet immirata biex toħloq mill-ġdid bilanċ f’din ir-relazzjoni permezz ta' miżuri ta' protezzjoni speċjali.

3.2   Madankollu, dan l-aħħar, il-Kummissjoni – f’dokumenti ta' strateġija differenti li ssarrfu f’inizjattivi leġislattivi varji (4) – żviluppat il-kunċett tal-“konsumatur medju” li huwa “informat raġonevolment tajjeb u osservanti u attent b’mod raġonevoli” (5), u b’hekk għamlet sforz biex tniedi approċċ ġdid għall-politika Ewropea dwar il-konsumatur, imsejsa fuq armonizzazzjoni sħiħa, il-monitoraġġ skont il-pajjiż tal-oriġini u l-għarfien reċiproku.

3.3   Din il-linja gwida, li ssib oppożizzjoni ġenerali minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Istati Membri u mill-KESE f’opinjonijiet varji, fil-fatt twassal għal inqas protezzjoni tal-konsumatur u tfisser pass lura li ma jistax jiġi aċċettat fil-politika Komunitarja f’dan il-qasam.

3.4   Madankollu, huwa preċiżament fid-dawl ta' din il-linja gwida l-ġdida li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-konsumatur ħadet importanza ikbar, billi l-esiġenza fuq il-konsumaturi biex ikunu informati tajjeb qed tiżdied dejjem iktar sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet razzjonali fis-suq globali. Fil-fatt, il-mudell neoliberali li fuqu hija msejsa huwa bbażat fuq premessi magħrufin, b’mod partikulari:

a)

ir-rikonoxximent kritiku tal-ħtiġijiet tiegħu u prijoritizzazzjoni tal-preferenzi;

b)

il-possibilità li jiġu mqabbla prodotti u servizzi varji fis-suq; u

c)

l-għarfien – tekniku u ekonomiku – tal-kwalità u l-prezz ta' kull prodott u servizz (6).

3.4.1   Madankollu, huwa fid-dawl ta' dawn il-punti msemmijin hawn fuq li i) qiegħda ssir dejjem iktar rilevanti l-kwistjoni tan-natura u l-kwalità tal-informazzjoni li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għaliha u ii) il-kunċett ta' informazzjoni “adatta” qed isir dejjem iktar importanti.

3.5   Bil-kontra ta' dak li ntqal f’dokumenti riċenti tal-Kummissjoni, mhijiex il-kwantità tal-informazzjoni li tgħodd; l-informazzjoni trid tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi reali tal-konsumaturi u l-adegwatezza tagħha għandha tiġi evalwata skont l-għan, il-kontenut, il-preżentazzjoni u l-kuntest.

3.6   L-informazzjoni għandha tkun ukoll soġġetta b’mod permanenti għall-eżami ta' “adegwatezza” sabiex tiġi aġġustata l-kwalità tagħha skont l-għan tagħha u l-konsumaturi li għalihom hija indirizzata; il-kriterji ewlenin għal dan għandhom ikunu l-affidabilità, kemm hija topika, l-imparzjalità, il-preċiżjoni, ir-rilevanza, kemm tasal sal-punt fil-qosor, kemm tinftiehem, iċ-ċarezza, kemm tinqara tajjeb u kemm hi faċli li wieħed ikollu aċċess għaliha.

3.7   Bħala parti mill-Istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-KESE jappella lill-Kummissjoni tintroduċi l-ittestjar mill-konsumatur fir-rigward tal-iżvelar tal-kontenut u l-forma sabiex tintwera l-effikaċja tagħhom u sabiex il-konsumaturi jitħallew jiddeċiedu dak li huwa utli għalihom.

3.8   Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, l-informazzjoni għall-konsumatur u l-edukazzjoni u l-kapaċità finanzjarja jimxu id f’id. L-informazzjoni għandha tkun semplifikata u l-lingwaġġ legali u tekniku għandu jkun limitat. Madankollu, xi prodotti finanzjarji huma kumplessi u l-informazzjoni trid tkun preċiża u b’hekk tirrifletti l-kumplessità tal-prodotti.

3.9   L-iżvelar (tal-kontenut jew tal-forma) u l-qafas regolatorju relatat iridu jkunu stabbli tul is-snin. It-tibdil frekwenti tal-parametri tal-iżvelar jista’ jagħmilha iktar diffiċli għall-konsumaturi biex jifhmu l-informazzjoni.

4.   Informazzjoni, Reklamar u Marketing; Direttiva 2005/29/KE

4.1   Id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni inġenerali jista’ joħloq vantaġġ ġeneralizzat bħala riżultat tal-Istat u korpi pubbliċi oħrajn li jaqdu r-rwol ta' fornitur ġeneriku tal-informazzjoni, u dan ma jistax jitqies bħala “dritt suġġettiv” ġenwin. Dan id-dritt jista’ wkoll jimponi obbligu fuq il-fornituri u partijiet oħrajn involuti fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi li jipprovdu tali informazzjoni huma nfushom.

4.2   Għal dan il-għan, il-komunikazzjonijiet kummerċjali li ma joħolqux b’mod dirett relazzjonijiet kuntrattwali jew prekuntrattwali jistgħu minkejja dan jinvolvu drittijiet li huma jew kollettivi (aktarx eżerċitati minn assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew f’azzjonijiet kollettivi) jew anke drittijiet suġġettivi ġenwini li huma partikulari għalihom.

4.3   Daż-żmien is-suġġett huwa rregolat mid-Direttiva 2005/29/KE; il-KESE ħareġ opinjoni dwar il-proposta għad-Direttiva tal-2005 li għaliha jista’ jirriferi l-qarrej (7).

4.3.1   Kif għamel sew u avża l-KESE dak iż-żmien, l-użu tat-teknika ta' “armonizzazzjoni sħiħa” wassal għal deterjorazzjoni ċara fil-livell ġenerali tar-rekwiżit li tingħata informazzjoni lill-konsumaturi.

4.3.2   Madankollu, hija d-definizzjoni stess ta' prattiki kummerċjali li jqarrqu, permezz ta' azzjonijiet jew ommissjonijiet, flimkien mal-lista limitata ta' prattiki mehmuża mad-direttiva, l-iktar li turi b’mod ċar id-deterjorazzjoni serja li din id-direttiva ġabet magħha fir-rwol li jaqdu r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni li jinfurmaw lill-konsumaturi b’mod ġenwin.

4.3.3   Is-sitwazzjoni hija ggravata mill-konferma espliċita li l-“prattika ta' reklamar komuni u leġittima li tagħmel stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li m’għandhomx jittieħdu litteralment” hija aċċettata, anke meta qed jiġu indirizzati gruppi ta' konsumaturi li “huma partikolarment vulnerabbli … minħabba l-mard mentali jew fisiku tagħhom, etá jew kredulitá”.

4.3.4   Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi ggravata mill-fatt li, minħabba d-direttiva huwa impossibbli li jinżammu dispożizzjonijiet li jimplimentaw leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, bħal dawk li jistipulaw li informazzjoni konkreta u oġġettiva fir-reklamar ta' prodotti, servizzi jew drittijiet għandha tiġi inkorporata f’kuntratti konklużi wara li d-direttiva daħlet fis-seħħ, u klawsoli kuntrattwali li jindikaw il-kuntrarju issa qed jitqiesu li ma japplikawx.

5.   Informazzjoni dwar kuntratti; id-direttiva proposta għad-drittijiet tal-konsumatur

5.1   Wieħed mill-oqsma fejn għad fadal ħafna xi jsir huwa fid-definizzjoni ta' karta ġenwina tad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni. Jista’ jkun li l-proposta reċenti għal direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur tkun mistennija tagħmel kontribut deċiżiv biex tiġi indirizzata din il-lakuna fl-acquis Komunitarju.

5.2   Il-kapitolu dwar l-informazzjoni għall-konsumatur huwa ferm diżappuntanti: minflok definizzjoni ta' drittijiet li huma ġenwinament vinkolanti, bħal dawk fi kwalunkwe leġislazzjoni nazzjonali, hemm lista sempliċi tal-informazzjoni fakultattiva li għandha tiġi pprovduta – “jekk mhijiex diġà evidenti mill-kuntest” (8) – li, barra minn hekk, hija ovvja u fundamentali u tista’ tinstab fi kwalunkwe kodiċi ta' prattika tajba għal kwalunkwe professjoni normali. Il-qarrejja jistgħu jirreferu għall-opinjoni tal-KESE dwar din il-proposta (9).

6.   Informazzjoni prekuntrattwali

6.1   Għalkemm, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet tal-konsumaturi għadhom irregolati mil-liġi interna tal-Istat Membru, proporzjon dejjem ikbar qed jintlaqtu minn rekwiżiti Komunitarji, bħalma huwa ċar fil-każ tal-informazzjoni prekuntrattwali, is-servizzi b’mod ġenerali, l-ivvjaġġar b’kollox inkluż u speċjalment is-servizzi finanzjarji, ċerti prodotti tal-konsum li jkollhom effett fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, kif ukoll għall-bejgħ mill-bogħod tal-prodotti, is-servizzi u d-drittijiet, li huma l-għan tal-komunikazzjoni u l-prattiki kummerċjali jew kuntratti standard.

6.2   Analiżi tal-leġislazzjoni Komunitarja turi biċ-ċar il-punti komuni u d-differenzi konsiderevoli fil-kontenut u l-approċċ tal-informazzjoni prekuntrattwali, b’mod partikolari:

i.

L-applikazzjoni sħiħa jew parzjali fl-informazzjoni prekuntrattwali tad-dettalji obbligatorji/espressjonijiet projbiti fir-reklamar ta' prodotti, servizzi jew drittijiet speċifiċi; dan huwa l-każ fil-kreditu għall-konsumatur, fejn informazzjoni standard hija meħtieġa fir-reklamar, jew fl-ivvjaġġar b’kollox inkluż, fejn l-informazzjoni tiġi ttrattata f’termini ta' dettalji obbligatorji dwar aspetti essenzjali. Huwa l-każ ukoll fil-mediċini, fejn l-informazzjoni tal-konsumatur tiġi assoċjata mal-komunikazzjonijiet kummerċjali, inkluż ir-reklamar, b’enfasi fuq ir-rekwiżit tal-informazzjoni stampata fuq it-tikketti u d-dokumenti, u anke l-prodotti tal-ikel, fejn il-proliferazzjoni attwali tat-tikketti u tikketti semplifikati qed jikkawżaw ħafna konfużjoni bla bżonn, bil-kumplikazzjoni min-naħa tar-regoli tal-informazzjoni dwar ċerti pretensjonijiet ta' nutrizzjoni u saħħa fil-prodotti tal-ikel, f’suq li qed jinbidel b’mod radikali, b’riskji potenzjali għas-saħħa tal-konsumatur.

ii.

L-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni prekuntrattwali: għandha tiġi pprovduta billi jitfasslu forom komuni għall-prodotti kollha fis-suq intern. Din kienet is-soluzzjoni adottata, pereżempju għall-kreditu lill-konsumatur, bl-introduzzjoni tal-formola ta' Standard Ewropew dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, u hija bbażata fuq il-premessa ta' metodu uniku għar-riċeviment u l-fehim ta' informazzjoni prekuntrattwali fl-Ewropa.

6.3   Minkejja l-vantaġġi magħrufa f’xi każijiet ta' standardizzazzjoni ta' informazzjoni prekuntrattwali biex jitqabblu l-offerti, huwa kruċjali li titħalla marġni għall-adattament għall-karatteristiċi speċifiċi tal-konsumaturi f’kull Stat Membru. Billi bosta swieq għad għandhom natura ġeneralment nazzjonali, l-ammont ta' informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għat-tqabbil jista’ jiġġenera spejjeż għoljin għat-transazzjonijiet, li ma jiġux ikkumpensati mit-tkabbir tas-suq transkonfinali, u dan jista’ jkun ta' ħsara għall-SMEs.

7.   Informazzjoni prekuntrattwali u postkuntrattwali

7.1   L-obbligu tal-informazzjoni testendi wkoll għall-fażi kuntrattwali, speċjalment fil-kuntratti tal-konsumaturi li joħolqu obbligi kontinwi, jew li jkunu fuq perijodu fit-tul jew kumplessi (pereżempju, is-servizzi u l-prodotti finanzjarji, timeshare), jew li għandu mnejn ikollhom effetti fit-tul (il-mediċini).

7.2   Diġà hemm eżempji ta' informazzjoni korretta għall-informazzjoni kuntrattwali fil-liġi Komunitarja, bħad-Direttiva dwar l-ivvjaġġar b’kollox inkluż jew id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas.

7.3   Madankollu, id-dritt tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni libera u informata li tirfed l-impożizzjoni tal-obbligi ta' informazzjoni qabel ma jiġi konkluż kuntratt jestendi matul il-perijodu sħiħ tal-validità tal-kuntratt u anke, f’xi każijiet, wara li jintemm. Id-deċiżjoni tal-konsumatur dwar jekk ikomplix jew le b’kuntratt, u l-premessa potenzjali tar-responsabbiltà għat-twettiq tal-kuntratt, it-tnejn jiddependu fuq l-għoti ta' din l-informazzjoni.

7.4   L-ostakoli prinċipali għall-informazzjoni korretta f’dawn il-fażijiet huma, minbarra li tiġi rrifjutata għad-dritt, huma l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-konformità. Huwa nnotat li r-regola li l-informazzjoni għall-konsumatur għandha tkun b’xejn mhijiex stabbilita fil-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, anke rigward l-informazzjoni prekuntrattwali. Madankollu, id-Direttiva 2007/64/KE (PSD) introduċiet żewġ obbligi intiżi biex jiżguraw l-eżerċizzju adatt tad-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni:

i.

informazzjoni b’xejn: il-provveditur tas-servizz tal-ħlas ma jistax jiċċarġja lill-utent tas-servizz għall-provvista ta' ċertu għadd ta' biċċiet ta' informazzjoni;

ii.

nollijiet adatti għall-ispejjeż: fejn l-informazzjoni provduta ma tkunx b’xejn, in-nollijiet għandhom ikunu adatti u b’konformità mal-ispejjeż attwali tal-provveditur.

7.5   Il-KESE jqis li d-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni għandu jiġu rikonoxxut matul il-perijodu sħiħ tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u wara li jintemm, b’mod partikolari fil-każ ta' kuntratti li joħolqu obbligi kontinwi, li jkunu ta' tul medju/twil jew li jkollhom effetti fit-tul. Għad trid tiġi stabbilita informazzjoni b’xejn dwar aspetti fundamentali tal-kuntratt, flimkien mal-prinċipju tal-prezzijiet alinjati mal-ispejjeż f’każijiet oħra.

8.   L-assistenza u l-obbligi tal-konsulenza

8.1   L-informazzjoni li tinħareġ mill-obbligu legali fuq il-professjonisti biex jipprovdu informazzjoni ħafna drabi tkun f’format imfassal minn qabel u mhux dejjem ikun biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni libera u infurmata dwar jekk għandu jtemm jew ikompli l-kuntratt. Għaldaqstant, id-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni jinkorpora d-dritt/l-obbligu li jinkisbu/jiġu pprovduti spjegazzjonijiet rigward il-kontenut.

8.2   Id-dritt għall-assistenza għall-konsumatur, kif inhu stabbilit pereżempju fid-Direttiva 2008/48/KE (10) dwar il-kreditu lill-konsumatur, għandu jiġi estiż għall-kuntratti kollha tal-konsumaturi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-oġġetti u s-servizzi li jservu fit-tul li joħolqu obbligi kontinwi, li jtulu għal perijodu medju/fit-tul, ikunu kumplessi jew iġibu magħhom riskji għas-saħħa jew is-sigurtà. L-informazzjoni mogħtija skont l-obbligu tal-assistenza lill-konsumatur għandha tingħata fuq talba tal-konsumatur li għandha tkun bil-miktub.

8.3   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li ssir distinzjoni bejn id-dritt għall-assistenza, li naturalment jinbet mill-obbligu fuq il-professjonist biex jipprovdi l-informazzjoni, mid-dritt għal parir li jista’ jkun li l-professjonist jinħtieġ jagħtih biss fil-każ ta' prodotti jew servizzi speċifiċi li jkunu kumplessi, ta' valur għoli jew li jistgħu jolqtu s-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumaturi.

9.   Problemi u konsegwenzi oħra li jinħolqu minn nuqqas ta' informazzjoni

9.1   Wieħed min-nuqqasijiet ċari fid-direttivi, li għandu impatt fuq id-dmirijiet professjonali li tingħata l-informazzjoni, hija sensiela ta' sanzjonijiet bħala piena għal min ma jikkonformax. L-UE ħalliet dan il-kompitu f’idejn id-diversi Stati Membri, li għażlu għal firxa wiesgħa ta' konsegwenzi ċivili u penali, li jiġġeneraw distorsjonijiet fis-suq uniku li jkun ta' ħsara għall-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi.

9.2   Id-direttivi jistabbilixxu biss fi ftit każijiet speċifiċi li l-konsumaturi huma intitolati li jirtiraw minn kuntratt li jkun intemm miż-żmien li fih l-informazzjoni li suppost tkun ingħatat fil-fatt tingħata jew tkun magħrufa (11), jew li l-piż tal-prova li l-informazzjoni ngħatat jaqa’ fuq il-professjonisti, kif jiġri fl-informazzjoni prekuntrattwali fid-Direttiva 2006/123/KE (12) dwar is-servizzi fis-suq intern.

9.3   Il-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-bidu tal-perijodu tal-irtirar bħala d-data li fiha tkun ingħatat l-informazzjoni jew li l-konsumatur isir konxju tagħha, u l-allokazzjoni tal-piż tal-prova tal-għoti tal-informazzjoni lill-professjonist, huma l-garanziji fundamentali tal-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni, u flimkien mal-prinċipju tar-responsabbiltà għat-telf ikkawżat min-nuqqas ta' informazzjoni, li huwa diġà inkorporat f’bosta sistemi legali nazzjonali, għandhom il-konsegwenza naturali tar-rikonoxximent u l-importanza tad-dritt tal-konsumatur għall-informazzjoni, li għandu jiġi stabbilit b’mod ċar u universali fil-livell Komunitarju.

10.   L-informazzjoni għall-konsumatur u l-ikkompletar tas-suq intern

10.1   Il-bidliet ta' dan l-aħħar fil-prospettivi għall-politika tal-ikkompletar tas-suq intern, b’rabta mal-linji gwida tal-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020, huma magħrufa sew.

10.2   Fit-testi kollha rilevanti, tingħata ħafna attenzjoni lill-fehma li l-konsumatur huwa l-fokus ċentrali u l-benefiċjarju veru ta' suq intern li tfassal bħala strument għal strateġija ta' żvilupp u tkabbir ekonomiku li huwa kruċjali biex tingħeleb il-kriżi attwali, b’ħafna aktar tħassib iktar għall-aspetti soċjali u għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali jew iċ-ċittadinanza. F’dan ir-rigward, it-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur ser ikun essenzjali biex il-konsumatur jerġa’ jibda jafda fis-Suq Uniku.

10.3   F’dan il-kuntest, hemm bżonn ċar li tiġi ggarantita informazzjoni korretta għall-konsumaturi fi ħdan suq intern imġedded, mgħammar għall-isfidi tas-seklu 21, sabiex tinkiseb il-fiduċja tagħhom u tiġi ggarantita l-kooperazzjoni kostruttiva min-naħa tagħhom. Din il-garanzija għandha ttajjar kull biża’ u d-dubji, l-inċertezza u r-riluttanza relatati mal-parteċipazzjoni iktar determinata fil-kummerċ transkonfinali.

10.3.1   Ir-regolazzjoni tal-komunikazzjoni kummerċjali online fil-livell Komunitarju bħalissa tinsab mifruxa f’diversi testi (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bejgħ bil-korrespondenza, protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet kummerċjali, prattiki kummerjali inġusti, eċċ.), u għalhekk għandha titħejja riforma sabiex ir-regoli eżistenti jinġabru f’test wieħed u jiġu evitati l-kontradizzjonijiet.

10.4   Dan huwa t-tħassib prinċipali ta' din l-opinjoni.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza (COM(2006) 194 finali) u l-opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett: ĠU C 324, 30.12.2006, p.74.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE: ĠU C 133, 6.6.2003, p.46. (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE: ĠU C 133, 6.6.2003, p.1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  Ara, iktar preċi¿ament, id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar on Prattiċi kummerċjali ¿leali, ĠU L 149, 11.6.2005, p.22; 98/7/KE dwar il-Kreditu lill-konsumatur, ĠU L 101, 1.4.1998, p.17 (mhux disponibbli bil-Malti); u l-proposta riċenti għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur COM(2008) 614 finali. (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 317, 23.12.2009, p.54)

(5)  Ara s-Sentenza tal-QEĠ – Ka¿ C-220/98, 13.01.2000, Estée Lauder Cosmetics kontra Lancaster Group u s-Sentenza tal-QEĠ – Ka¿ C-210/96, 16.06.1998, Gut Springenheide u Tusky. Ara wkoll is-Sentenza riċenti tal-QEĠ – Ka¿ C-278/08, 25.3.2010, BergSpechte Outdoor Reisen und Alpinschule Edi Kobimuller GmbH kontra Gunter Guni trekking at Reisen GmbH, fejn l-utenti tal-Internet huma deskritti bħala “informati b’mod normali u attenti b’mod raġonevoli” (paragrafi 35 and 39).

(6)  Ara K. SIMITIS, “Verbraucherschultz – Schlagwort oder Rechtsprinzip?” p. 109.

(7)  ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81. (opinjoni mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  COM(2008) 614 finali, Kapitolu II, Art.5(1) § 1.

(9)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 317, 23.12.2009, p.54.

(10)  ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.

(11)  Bħal fil-każ tad-Direttiva 85/577/KEE li, wara li stabilixxiet l-eżistenza tad-dritt tal-irtirar fost id-dmirijiet fundamentali tal-informazzjoni, ma tipprovdi l-ebda piena jekk ma jiġix rispettat dan id-dritt. Skont il-każistika tal-QĠE, il-perijodu li fih il-konsumatur jista’ jirtira għandu jiġi estiż indefinitament, mill-mument meta l-konsumatur ikun infurmat b’mod adegwat. Ara l-każ tal-QĠE C-227/08, 17.12.2009, Eva Martín Martín, paragrafi 25 sa 29.

(12)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Trattat ta’ Lisbona u l-funzjonament tas-suq intern” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/12

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar it-18 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

It-Trattat ta' Lisbona u l-funzjonament tas-suq intern.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.

Matul l- 464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’129 vot favur, 2. voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   It-Trattat ta' Lisbona inizjalment kellu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009, iżda fil-fatt daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 ladarba ntemm il-proċess ta' ratifika mis-27 Stat Membru. Ta’ min jinnota li dan it-Trattat għadu kumpless u diffiċili biex jinfiehem.

1.2   L-istudju komparattiv li jagħmel parti mir-rapport ta' informazzjoni (CESE 241/2008) jippermetti li tinsilet il-konklużjoni li s-suq intern, għalkemm strutturalment ma nbidilx bit-Trattat ta' Lisbona l-ġdid, jidher li qiegħed jiddefinixxi lilu nnifsu b’mod iżjed soċjali. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta' dak li t-Trattat Kostituzzjonali seta’ jbeżża’ lil xi wħud permezz tal-espressjoni “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla”, it-Trattat ta' Lisbona jidher li jagħti lis-suq intern objettivi aktar soċjali billi jaħdem lejn “ekonomija soċjali tas-suq li xxaqleb lejn l-impjieg totali u l-progress soċjali”.

1.3   Barra minn hekk, jidher li t-testi magħrufa sal-lum il-ġurnata dwar il-linji gwida politiċi futuri tal-Kummissjoni u dwar l-Istrateġija 2020 u l-bosta dikjarazzjonijiet tal-Kummissarji u l-mexxejja politiċi fil-livell nazzjonali jridu jsegwu l-istess direzzjoni lejn dimensjoni tas-suq intern li gradwalment issir aktar qrib iċ-ċittadini.

1.4   Din id-dimensjoni ssaħħet ukoll permezz tar-referenza espliċita għas-setgħa legali vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li għandha “l-istess valur legali bħat-Trattati” però b’ċerti restrizzjonijiet f’xi Stati Membri.

1.5   Min-naħa l-oħra, il-proċess leġislattiv dwar is-suq intern ser ikun immarkat mill-intervent tal-parlamenti nazzjonali li huma mitluba jiżguraw li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, prinċipju li jirregola t-twettiq tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Permezz ta' żewġ Protokolli, wieħed dwar “ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali” u l-ieħor dwar “l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità”, għandhom il-possibbiltà li jitolbu li ssir reviżjoni ta' proposta leġislattiva fl-ewwel qari. Dan isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika fil-proċess leġislattiv tal-Unjoni.

1.6   Jekk l-intervent preventiv tal-parlamenti nazzjonali jaħdem tajjeb, u jekk il-kontroll li jsir fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun wieħed effiċjenti u ta' kwalità tajba, b’mod li jappoġġja bis-sħiħ il-“mekkaniżmu ta' twissija bikrija”, li t-Trattat ta' Lisbona ħa mill-Kostituzzjoni, jista’ jagħti l-każ li l-Istati Membri ma jibqgħux jikkritikaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni bħala leġislazzjoni li tinterferixxi fuq il-kompetenzi nazzjonali u ċ-ċittadini Ewropej na jħossuhiex bħala marka ta' ċertu “ċentraliżmu minn Brussell”. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-parlamenti nazzjonali jsaħħu n-netwerking tagħhom peress li l-iskop u l-effiċjenza tal-“mekkaniżmu ta' twissija bikrija”, għalkemm huwa dritt individwali mogħti lil kull kamra, jiddependi mill-kapaċità li jkollhom il-parlamenti nazzjonali biex jorganizzaw ruħhom b’mod kollettiv.

1.7   It-Trattat ta' Lisbona jiġġeneralizza wkoll il-“proċedura leġislattiva ordinarja” (kodeċiżjoni skont l-Artikolu 251 KE) għas-suq intern, hekk kif jixhed b’mod partikolari l-Artikolu 48 tat-TFUE dwar il-miżuri meħtieġa għall-moviment liberu tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

1.8   B’hekk, it-Trattat ta' Lisbona jixtieq jiffaċilita l-iżvilupp tas-suq intern billi jiġġeneralizza aktar il-kodeċiżjoni li huwa jsejjaħ “proċedura leġislattiva ordinarja”, iżda huwa jżid sieħeb ġdid mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġifieri l-parlamenti nazzjonali li issa jridu jitqiesu għall-adozzjoni ta' kull miżura leġislattiva li tapplika għas-suq intern.

2.   Introduzzjoni

2.1   Ir-rapport ta' informazzjoni dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq is-suq intern (1) li ġie adottat mis-Sezzjoni Speċjalizzata fit-13 ta' Ġunju 2008 ppropona studju komparattiv f’forma ta' tabella fejn jitqabblu d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern fit-Trattat ta' Lisbona, it-Trattat KE, li dak iż-żmien kien għadu fis-seħħ, it-Trattat Kostituzzjonali (il-“Kostituzzjoni” li qatt ma ġiet irratifikata), u l-kummenti tal-Osservatorju tas-Suq Uniku dwar il-konsegwenzi legali tat-test adottat f’Lisbona fit-13 ta' Diċembru 2007.

2.2   Id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona inizjalment kienet prevista għall-1 ta' Jannar 2009, iżda l-pjan sfaxxa nhar it-12 ta' Ġunju 2008 meta l-Irlanda rrifjutat it-Trattat ta' Lisbona f’referendum.

2.3   Wara li l-Irlanda ngħatat garanzija dwar is-sovranità nazzjonali u ġiet assigurata dwar il-fatt li kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea ser jibqa’ jkollu l-kummissarju proprju tiegħu, it-Trattat ġie adottat permezz ta' referendum fit-3 ta' Ottubru 2009.

2.4   Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ċeka tat-3 ta' Novembru 2009, li ddikjarat li t-Trattat ta' Lisbona kien konformi mal-liġi fundamentali Ċeka, temmet id-dewmien fir-ratifika. Il-firma tal-President Vaclav Klaus temmet il-proċess ta' ratifika u t-Trattat fl-aħħar daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.

2.5   Iż-żmien li għadda bejn l-adozzjoni tar-rapport ta' informazzjoni tal-KtR u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, adottata fit-3 ta' Marzu 2010, illum wasslu sabiex il-Kumitat iqis li huwa opportun li r-rapport imsemmi hawn fuq isir opinjoni fuq inizjattiva proprja biex ikun jista’ jaġġornah u jippubblika l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett. Dan kollu huwa u jirrifletti fuq kwistjonijiet ġodda li ma ġewx indirizzati minħabba nuqqas ta' distakk suffiċjenti fir-rigward tat-test tat-Trattat li kellu problemi ta' leġġibbiltà u li l-aħħar verżjoni kkonsolidata tiegħu ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2010 (2).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-avvenimenti politiċi li kkaratterizzaw l-istorja tat-Trattat ta' Lisbona, mill-iffirmar mis-27 Stat Membru fit-13 ta' Diċembru 2007 sad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Diċembru 2009, fil-biċċa l-kbira tagħhom ma bidlux id-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern iżda kellhom b’mod prinċipali konsegwenzi istituzzjonali.

3.1.1   Fil-fatt, huwa u jieħu nota tat-tħassib tal-poplu Irlandiż kif espressi mill-Prim Ministru Irlandiż, il-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 stqarr li, sakemm it-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ, ser tittieħed deċiżjoni, b’konformità mal-proċeduri legali neċessarji, biex il-Kummissjoni tibqa’ tkun magħmula minn rappreżentant minn kull Stat Membru.

3.1.2   Il-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 ta lill-Irlanda garanziji legalment vinkolanti, iżda li la għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri l-oħra, u lanqas fuq il-kontenut u l-applikazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, li ċerti suġġetti (bħat-taxxa, id-dritt għall-ħajja, l-edukazzjoni, il-familja, u l-politika ta' newtralità militari) mhux ser jintlaqtu mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.

3.1.3   Barra minn hekk, dan il-Kunsill Ewropew adotta Dikjarazzjoni solenni dwar l-importanza tad-drittijiet tal-ħaddiema u tas-servizzi pubbliċi.

3.2   Id-dewmien tar-Repubblika Ċeka biex tirratifika t-Trattat ma kellux konsegwenzi immedjati fuq it-Trattat ta' Lisbona. Fil-fatt, kif qablu l-Istati Membri matul il-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009, il-protokoll għat-trattat ta' adeżjoni li jmiss ser jeskludi lir-Repubblika Ċeka, flimkien mar-Renju Unit u l-Polonja, mill-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.3   Ir-rapport ta' informazzjoni dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-funzjonament tas-suq intern u l-annessi tiegħu għadhom validi u jistgħu jservu ta' bażi għal din l-opinjoni bħala analiżi legali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali ta' din l-opinjoni.

3.4   F’dan ir-rigward ta' min ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona huwa test kumpless anke fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu. Il-qari u l-komprensjoni tiegħu huma diffiċli, anke għal avukati speċjalizzati, għaliex huwa r-riżultat ta' sensiela ta' emendi għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) li sar it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li jipprevedi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mit-TFUE.

3.5   Minħabba li dakinhar tar-ratifika t-test ikkonsolidat uffiċjali ma kienx disponibbli, l-Istati Membri rratifikaw test li ma kienx ċar, diffiċli biex jinqara u fejn il-biċċa l-kbira tal-“mekkaniżmi” ġodda ta' deċiżjoni ma kinux definiti tajjeb, ħlief fil-protokolli tat-Trattat u li l-effettività tagħhom kienet għadha ma ġietx ittestjata.

3.6   Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-Trattat Kostituzzjonali, it-test li ġie ffirmat f’Lisbona ma tressaqx għal konsultazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni u lanqas mill-parlamenti nazzjonali jew reġjonali jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali. Huwa biss wara li ġie rratifikat it-Trattat li l-Kummissjoni u l-Kunsill iddeċidew li jippubblikaw dokumenti ta' informazzjoni u ta' spjegazzjoni tal-kontenut u tal-vantaġġi tat-Trattat il-ġdid, għall-kontra ta' dak li kien sar għall-“Kostituzzjoni”.

3.7   It-Trattat ta' Lisbona dar lura għall-metodu li jemenda t-trattati eżistenti fil-qafas ta' Konferenza Intergovernattiva (KIG) magħmula biss mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, filwaqt li l-“Kostituzzjoni” tfasslet fil-qafas ta' Konvenzjoni magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn membri parlamentari nazzjonali inklużi dawk mill-Istati Membri futuri tal-2004 u l-2007, membri parlamentari Ewropej, rappreżentanti mill-ħmistax-il Stat Membru u mit-tnax il-Stat Membru kandidat ta' dak iż-żmien, kif ukoll mit-Turkija, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fosthom il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala osservaturi.

3.8   Għaldaqstant, it-Trattat ta' Lisbona juri b’mod ċar li l-Istati Membri ħadu lura r-responsabbiltà f’idejhom meta mqabbla mal-Kostituzzjoni, li kienet ta' natura aktar federalista. Din il-bidla fil-poter toħroġ fid-dieher b’mod partikolari fit-tneħħija tas-simboli li l-Kostituzzjoni introduċiet, simboli li setgħu jagħtu x’jifhmu li kien qed jinħoloq Stat federali (bandiera, innu, munita, l-għażla tad-9 ta' Mejju bħala l-ġurnata tal-Ewropa).

3.9   It-Trattat ta' Lisbona jgħaqqad flimkien it-tliet pilastri billi jagħti l-istess valur legali lit-TUE u lit-TFUE (3). Barra minn hekk, l-Unjoni kisbet personalità ġuridika billi ssostitwixxiet u saret is-suċċessur tal-Komunità Ewropea, mentri li sad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kienet biss il-Komunità Ewropea li kellha personalità ġuridika.

3.10   Il-primat tal-liġi tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri ddaħħlet mill-ġdid fl-Artikolu I-6 tat-Trattat Kostituzzjonali fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Sabiex tintemm il-polemika li qamet minħabba l-fatt li l-prinċipju tal-primat iddaħħal fil-Kostituzzjoni, b’riflessjoni tal-każistika eżistenti tal-Qorti, il-prinċipju tal-primat jinsab fid-Dikjarazzjoni Nru 17. Il-Konferenza ddeċidiet li tehmeż mat-Trattat ta' Lisbona l-opinjoni mħejjija mis-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-primat, filwaqt li tfakkar is-sors ġurisprudenzali tal-prinċipju tal-primat u l-valur tiegħu bħala prinċipju fundamentali.

3.11   It-Trattat ta' Lisbona jimmodifika l-istatut legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li ġiet ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f’Nizza. Fil-fatt, matul is-Summit ta' Nizza ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar in-natura legalment vinkolanti tal-Karta u għaldaqstant baqgħet dikjarazzjoni tal-prinċipju mingħajr valur legali kkonfermat.

3.11.1   Min-naħa l-oħra, jidher li l-Karta kisbet setgħa legali vinkolanti b’riżultat tal-integrazzjoni tagħha fil-Kostituzzjoni. Peress li din ma ġietx irratifikata, in-natura legalment vinkolanti tal-Karta prattikament baqgħet teoretika (4). It-Trattat ta' Lisbona jikkoreġi din is-sitwazzjoni, iżda ma jinkorporax il-progress kollu li kisbet il-Kostituzzjoni (5).

3.11.2   Fil-fatt, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona jipprevedi li l-Karta għandha “l-istess valur legali bħat-Trattati”; dan ifisser li l-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta. L-istess obbligi jiġu imposti fuq l-Istati Membri (il-gvernijiet, l-amministrazzjonijiet, il-ġurisdizzjonijiet) ladarba jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

3.11.3   Madankollu, il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit jiddikjara li l-Karta ma testendix il-fakultà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mal-Karta.

3.11.4   Dan il-Protokoll jispeċifika wkoll li t-Titolu IV tal-Karta dwar id-drittijiet soċjali u s-solidarjetà ma joħloqx drittijiet applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.

3.11.5   Fl-aħħar, dan il-protokoll jiddikjara li l-Karta tapplika biss għall-Polonja jew għar-Renju Unit sakemm id-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki ta' dawn l-Istati Membri.

3.11.6   Fil-prattika, l-ambitu ta' dawn il-protokolli ser ikun limitat wisq: abbażi tal-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni, għandha tiġi rrispettata fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant jekk sentenza tal-Qorti kellha tirreferi jew toħroġ interpretazzjoni tat-Titolu IV tal-Karta, il-qrati tar-Renju Unit jew tal-Polonja jkollhom jirrispettawha, irrispettivament jekk ikunu intervenew fil-proċeduri jew le.

3.12   It-Trattat jinkludi l-possibbiltà provduta fil-Kostituzzjoni biex Stat Membru jiddeċiedi li volontarjament joħroġ mill-Unjoni (Artikolu 50 tat-TUE). Fid-dawl tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, l-Unjoni tinnegozja u tikkonkludi ftehim ma' dak l-Istat biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ mill-Unjoni filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni.

3.13   Id-deċiżjoni li Stat joħroġ volontarjament mill-Unjoni m’għandhiex tiġi konfuża mal-azzjoni li jitwaqqaf id-dritt għal sħubija fl-UE kontra Stat Membru li jkun kiser b’mod serju u persistenti l-valuri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE (ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, eċċ.) (6).

4.   Kummenti partikolari

4.1   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil ċerti aspetti partikolari ta' natura politika u ekonomika li nħolqu sadanittant minħabba l-iżvilupp tal-politika tas-suq uniku taħt it-termini tat-Trattat il-ġdid, bħall-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-“Kummissjoni Barroso II”.

4.2   Ta’ min ifakkar li, f’Novembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni importanti dwar “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”, wara riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Settembru 2007 li sejħet għar-“Reviżjoni tas-Suq Wieħed: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar”. Din tennet l-idea ta' “viżjoni ġdida” għal suq uniku “li jagħmel aktar biex ikabbar it-tweġiba Ewropea quddiem il-globalizzazzjoni, biex joħloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, biex jiżgura prezzijiet ġusti u biex jikkontribwixxi għall-ħarsien soċjali u ambjentali”. F’żewġ opinjonijiet (7), il-KESE fakkar il-pożizzjoni tiegħu li s-suq uniku minn dejjem kien għodda għas-servizz taċ-ċittadini, il-professjonijiet liberali, il-ħaddiema u l-konsumaturi kollha.

4.3   F’Komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 2008 (8), il-Kummissjoni wriet li l-vantaġġi tas-suq uniku kienu marbutin mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva. Fir-rapport tagħha dwar il-progress tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jikkooperaw mill-qrib ħalli tinkiseb kunfidenza reċiproka fis-sistemi tagħhom (9).

4.4   Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (10), il-Kummissjoni identifikat numru ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq uniku b’mod partikolari minħabba li r-regoli mhumiex applikati korrettament u m’hemmx kontroll fl-infurzar tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li jittieħdu miżuri konkreti u komplementari għal dawk tal-Istati Membri fil-kuntest ta' approċċ ibbażat fuq is-sħubija.

4.4.1   Fost il-miżuri rakkomandati hemm it-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-konformità tar-regoli, il-promozzjoni tal-metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-evalwazzjoni regolari tal-leġislazzjoni nazzjonali u l-informazzjoni liċ-ċittadini u l-intrapriżi dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern.

4.5   Il-kriżi finanzjarja malajr infirxet, b’mod partikolari fl-Ewropa, u ħolqot konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li kienu kemm mhux mistennija kif ukoll imprevidibbli, bħalma l-Kumitat kellu l-okkażjoni jenfassiza. Din wasslet għall-aktar reċessjoni profonda mis-snin 30 b’aktar minn 23 miljun persuna qiegħda (11), livell ta' qgħad li qatt ma kien hemm bħalu mit-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit qabel it-tiġdid tal-mandat tiegħu u wara li inkariga lill-“Grupp de Larosière” (12) biex iħejji studju fir-reqqa dwar il-kawżi u l-miżuri neċessarji sabiex tiġi miġġielda din il-kriżi, il-Kummissjoni ħasset il-bżonn li tiddefinixxi linji gwida politiki ġodda għall-futur, f’din il-klima ekonomika, soċjali u finanzjarja ġdida.

4.6   Kien għal dan il-għan li fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, il-President Barroso ddefinixxa l-linji gwida prinċipali ta' suq uniku adattat għas-seklu 21, waqt li kkundanna t-tentattivi li l-kriżi tintuża bħala pretest biex jiġi attakkat l-iżvilupp tas-suq uniku u terġa’ tiġi ddikjarata d-difiża tal-Kummissjoni bħala “l-pedament tat-Trattati” u “l-aħjar garanzija tal-prosperità fuq perijodu fit-tul”, sakemm ikun adattat għall-“isfidi tal-ekonomija ta' għada”. F’dan il-kuntest, huwa għaqli li jiġi enfasizzat li l-objettiv li s-suq intern jerġa’ jingħata spinta ’l quddiem bħala mutur fundamentali tal-ekonomija Ewropea jista’ jinkiseb biss jekk politika attiva li tiddefendi l-konsumatur jirnexxilha tagħti liċ-ċittadini l-kunfidenza meħtieġa sabiex jipparteċipaw totalment fis-suq uniku.

4.6.1   Fl-istess ħin, il-President tal-Kummissjoni inkariga lis-Sur Mario Monti, eks membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-suq intern, bil-missjoni li jipprepara rapport dwar ir-rilanċ tas-suq uniku, liema rapport ġie ppreżentat fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa, fil-Parlament Ewropew. Wara li joħroġ fid-dieher id-diffikultajiet ewlenin li jiffaċċja s-suq uniku, ir-rapport jipproponi inizjattivi bil-għan li jsaħħu s-suq uniku filwaqt li jikkunsidra konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali. Fl-istess ġurnata ġie ppreżentat quddiem il-Kunsill Ewropew rapport ieħor intitolat “Proġett għall-Ewropa 2030, Sfidi u Opportunitajiet” tal-grupp ta' riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa, ippresedut mill-eks Prim Ministru Spanjol, Felipe González. Dan ir-rapport jiffoka l-iżjed fuq il-perspettivi tal-governanza ekonomika Ewropea fil-perijodu medju u jirreferi wkoll għar-rwol deċiżiv tat-tisħiħ u t-twettiq tas-suq uniku għall-ħolqien ta' “sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ: ftehim ġdid għas-suq uniku”. Il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-governanza ekonomika żgur li ser iħallu impatt deċiżiv fuq il-futur tas-suq uniku.

4.7   L-istrateġija li tissostitwixxi dik ta' Lisbona, li l-implimentazzjoni tagħha kienet falliment parzjali, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' dawn il-linji gwida politiċi ġodda. Madankollu, l-Istrateġija “Ewropa 2020” ma tidhirx li qiegħda tagħti wisq importanza lis-suq uniku ħlief għal xi linji fil-kapitolu ddedikat għal-“Lakuni u diffikultajiet”, li juri nuqqas fl-entużjażmu għas-suq uniku.

4.7.1   Sabiex tiġi rimedjata din id-diffikultà tas-suq uniku, il-Kummissjoni ħabbret li ser tipproponi leġislazzjoni aħjar, b’mod partikolari li tipprijoratizza l-użu usa’ tar-regolamenti aktar milli tad-direttivi, li l-leġislazzjoni tiġi adattata għall-era diġitali u li jsir progress lejn liġi Ewropea tal-kuntratti b’valur fakultattiv, b’mod partikolari fil-qasam tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Matul is-seduta tiegħu quddiem il-Parlament Ewropew, iżda fuq kollox fid-dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu f’Pariġi, il-Kummissarju Michel Barnier, responsabbli għas-suq uniku, insista fuq il-bżonn li l-individwu jiġi rikonċiljat mas-suq inġenerali, li għandu jkun għas-servizz tal-proġett soċjali. Bħalma tenfasizza l-Kummissarju Viviane Reding, is-suq uniku jibqa’ “l-ġojjelli tal-kuruna” tal-Unjoni Ewropea (13).

4.8   Fl-istess ħin, l-inizjattiva taċ-ċittadini, introdotta bl-Artikolu 11(4) tat-TUE u li kienet is-suġġett ta' analiżi profonda mill-Kumitat (14), tista’ tħalli konsegwenzi kbar fuq l-iżvilupp futur tas-suq intern.

4.8.1   Fil-fatt, dan l-istrument ta' parteċipazzjoni miċ-ċittadini jiftaħ triq ġdida sabiex jinbdew suġġetti essenzjali għas-soċjetà ċivili li kienu għadhom ma ġewx ittrattati s’issa, minħabba nuqqas ta' interess jew rieda politika min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji (l-istatut tal-Fondazzjoni Ewropea (15), l-azzjonijiet tal-grupp fil-livell Ewropew (16), id-dritt Ewropew għal strajk, eċċ.).

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   L-osservazzjonijiet tar-rapport ta' informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet relatati mas-suq intern li jinsabu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jibqgħu japplikaw (ara pereżempju punt 6.a).

5.2   Fost is-sebgħa u tletin protokoll mehmużin mat-Trattat ta' Lisbona, erbgħa għandhom impatt ftit jew wisq dirett fuq is-suq intern.

L-ewwel nett, il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, għax dawn tal-aħħar għandhom tendenza li jiġu applikati fil-kuntest tal-kompetenzi maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Is-suq intern jagħmel parti mill-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi.

Il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni wkoll ser iħalli impatt fuq is-suq intern. Fi ftit kliem, jipprevedi li s-suq intern jinkludi sistema li tassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

Il-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi ser iħalli impatt fuq is-suq intern għall-istess raġunijiet tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

Il-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali bla dubju ta' xejn ukoll ser jaqdi rwol fis-suq intern. Dan jippreċiża li dawn is-servizzi jagħmlu parti mill-valuri komuni tal-Unjoni u jinsisti fuq il-poter ta' diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-proviżjoni, il-kummissjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Jiġġustifika wkoll id-diversità u d-differenzi eventwali fil-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-utenti minħabba raġunijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali. Fl-aħħar jinsisti fuq il-promozzjoni tal-aċċess universali u l-livell għoli f’termini ta' kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi kif ukoll tad-drittijiet tal-utenti. L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26 huwa innovativ peress li għall-ewwel darba jikkwota fil-liġi primarja s-“servizzi non-ekonomiċi ta' interess ġenerali” u jiggarantixxi l-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu, jikkummisjonaw u jorganizzaw dawn is-servizzi.

5.3   Żewġ dikjarazzjonijiet jistgħu jħallu impatt impatt fuq is-suq intern. Id-Dikjarazzjoni Nru 18 dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi li tgħid li fis-sistema ta' tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif prevista fit-Trattati, il-kompetenzi kollha li mhumiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri u li, fil-qafas tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom sakemm l-Unjoni ma teżerċitax, jew iddeċidiet li tieqaf teżerċita, il-kompetenza tagħha.

5.3.1   Filfatt, l-attribuzzjoni tal-kompetenzi lill-Komunità malajr ixxebħet mill-Qorti ma' trasferiment ta' kompetenzi min-naħa tal-Istati Membri lill-istituzzjonijiet Komunitarji, bħalma turi s-sentenza Costa vs ENEL tal-1964 li ddefinixxiet lill-Komunità Ekonomika Ewropea bħala “Komunità b’dewma illimitata, bl-istituzzjonijiet tagħha … u b’mod aktar partikulari b’poteri veri li ġejjin minn limitu ta' kompetenzi jew ta' trasferiment ta' attribuzzjonijiet tal-istati lill-Komunità …” (Aff. 6/64 ECR 1141).

5.3.2   Fl-aħħar, id-Dikjarazzjoni Nru 42 tispeċifika li fl-applikazzjoni ta' każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta' attribuzzjoni tal-kompetenzi m’għandux iservi ta' bażi għat-twessigħ tal-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni lil hinn mill-qafas ġenerali maħluq mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati.

6.   Il-konsegwenzi prinċipali fuq il-politika tas-suq intern

6.1   Fir-rigward tal-emendi speċifiċi introdotti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati mal-politika tas-suq intern, irid jiġi enfasizzat dan li ġej:

a)

Is-sostituzzjoni tal-kliem “suq komuni” b’“suq intern” turi l-bidla kwalitattiva ta' suq komuni lejn suq intern, li tippermetti li jiġu ċċarati l-kunċetti dottrinali kontroversjali u għalhekk issaħħaħ l-idea li l-UE mhijiex biss suq ħieles fis-sens purament ekonomiku ta' żona ta' kummerċ ħieles iżda pjuttost suq intern għaċ-ċittadini (Artikolu 26 tat-TFUE) (17).

b)

Fir-rigward tat-tisħiħ u definizzjoni aktar iddettaljata tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jista’ jiġi nnutat li l-preferenza tad-direttivi fuq ir-regolamenti li tidher fil-Protokoll Nru 30 tat-Trattat KE tneħħiet mill-Protokoll Nru 2 tat-Trattat ta' Lisbona.

c)

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-parlamenti nazzjonali ingħataw kważi dritt ta' “veto” mfisser bħala terz tal-voti kollha attribwiti lill-parlamenti nazzjonali. Barra minn hekk, parlament nazzjonali jista’ jopponi inizjattiva leġislattiva fil-qasam tal-liġi tal-familja (Artikolu 81 tat-TFUE).

d)

Il-Parlament Ewropew ingħata poteri ġodda permezz tal-estensjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, li ġiet imsejħa “proċedura leġislattiva ordinarja”. Tpoġġa’ fuq l-istess livell tal-Kunsill fil-kwistjonijiet baġitarji u jeleġġi l-president tal-Kummissjoni. Fit-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew ġie definit bħala li huwa magħmul minn rappreżentanti “taċ-ċittadini tal-Unjoni” filwaqt li t-Trattat tal-KE jirreferi għal “rappreżentati tal-popli tal-Istati”.

e)

Proċedura ta' kodeċiżjoni (proċedura leġislattiva ordinarja) b’sistema ġdida ta' maġġoranza kwalifikata tal-voti fil-Kunsill (18) ser tiġi applikata għal numru ta' oqsma ġodda.

f)

L-Istati Membri neħħew mill-objettivi tal-Unjoni r-referenza għal “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla”. Il-politika tal-kompetizzjoni ġiet riformulata bħala għodda “meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern” filwaqt li b’wieħed mill-objettivi tal-Unjoni jkun “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla” wassal biex it-Trattat Kostituzzjonali jqajjem ċertu biża’ fost xi wħud.

g)

Konsiderazzjoni ġdida tal-interessi tal-konsumaturi u tal-SMEs – li wasslet għall-“pakkett” Viżjoni Ġdida u l-Komunikazzjoni bit-titlu “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (19).

h)

Kunċett ġdid tas-servizzi ta' interess ġenerali (l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26) li jikkjarifika r-responsabbiltajiet tal-Unjoni u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali eżaminati mill-Komunikazzjoni “Is-servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” (20) li tipproponi li jiġi kkonsolidat il-qafas tal-UE tas-SIĠ.

i)

Aktar tħassib dwar l-integrazzjoni tal-aspetti soċjali tal-implimentazzjoni tas-suq intern (ġlieda kontra l-esklużjoni jew id-diskriminazzjoni, promozzjoni tal-ġustizzja u tal-protezzjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal) b’rabta mal-Komunikazzjoni “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21” (21).

j)

It-Trattat ta' Lisbona jinkludi innovazzjonijiet billi jestendi l-possibbiltà li jinbdew kooperazzjonijiet imsaħħa għall-azzjoni kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-qasam rilevanti tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni (Artikolu 20 tat-TUE), sakemm minn tal-inqas 9 Stati Membri jipparteċipaw fiha (ikun xi jkun in-numru tal-Istati Membri). Dan ġej mid-deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 329(1) tat-TFUE) u għalhekk jista’ jolqot lis-suq intern, lis-suq tal-enerġija, il-politika tal-immigrazzjoni u l-protezzjoni ċivili, b’mod partikolari.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  CESE 241/2008 - INT/393 (mhux ippubblikat fil-ĠU).

(2)  ĠU C 83, 30.03.2010 – Minn issa ’l quddiem kull referenza għat-Trattat ta' Lisbona tirreferi għal din il-verżjoni kkonsolidata.

(3)  Artikolu 1(3) tat-TUE: it-TUE u t-TFUE għandhom l-istess valur filwaqt li, fit-13 ta' Settembru 2005, f’deċiżjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, il-każistika tal-Qorti rrikonoxxiet il-primat tat-Trattat KE fuq it-TUE.

(4)  Madankollu, għalkemm il-Karta mhijiex legalment vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta' spiss tirreferi għaliha. Ara b’mod partikolari l-każ reċenti: is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta' Frar 2008, Kawża C-244/06 Dynamic Medien Vertriebs GmbH vs. Avides Media AG, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Qorti tirreferi għall-Artikolu 24(1) tal-Karta li jistipula li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom (punt 41 tas-sentenza). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta' Frar 2008, Kawża C-450/06, Varec SA vs. l-Istat Belġjan, dwar id-dritt ta' stabbilment. Il-Qorti tikkwota l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (punt 48 tas-sentenza).

(5)  Id-Dikjarazzjoni Nru 11 tal-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona tat-23.07.2007 (KIG 3/07) ipprevediet li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ser tiġi pproklamata b’mod solenni mit-tliet istituzzjonijiet dakinhar li jiġi ffirmat it-Trattat ta' Lisbona, iżda ma stqarret xejn dwar il-valur legalment vinkolanti.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġiet ipproklamata għat-tieni darba mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE fit-12.12.2007 fi Strasburgu. Din it-tieni proklamazzjoni kienet meħtieġa għax żdiedu spjegazzjonijiet u noti f’qiegħ il-paġna wara l-ewwel proklamazzjoni f’Diċembru 2000 matul is-Summit ta' Nizza.

(6)  L-Artikolu 7 tat-TUE jipprevedi żewġ dispożizzjonijiet distinti li japplikaw f’każ ta' “riskju ċar ta' ksur serju” u għal “ksur serju u persistenti”.

(7)  ĠU C 77, 31.03.2009, p. 15 u ĠU C 182, 04.08.2009, p. 1.

(8)  COM(2008) 703 finali.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE, ĠU C 128, 18.05.2010, p. 103.

(10)  Rakkomandazzjoni 2009/524/KE: ara r-Riżoluzzjoni importanti tal-PE tad-09.03.2010 (Dok. A7-0064/2009).

(11)  Skont l-aħħar statistika tal-Eurostat.

(12)  Il-KESE ħareġ opinjoni dwar ir-Rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.

(13)  Diskors li ntqal matul il-Jum tal-Konsumaturi f’Madrid nhar il-15 ta' Marzu 2010“An ambitious Consumer Rights Directive: boosting consumers’ protection and helping businesses” (Direttiva ambizzjuża tad-Drittijiet tal-Konsumaturi: insaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi u ngħinu lin-negozji).

(14)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini” (CESE 465/2010, SC/032) fejn ġie analizzat u saru kummenti dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni (COM(2009) 622 finali, 11.11.2009), u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-presidenzi tal-Kunsill tal-UE” (CESE 464/2010, SC/032); ara wkoll ir-Riżoluzzjoni importanti tal-PE dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini tas-7 ta' Mejju 2009 (Doc A6-0043/2009).

(15)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja CESE 634/2010, INT/498.

(16)  ĠU C 162, 25.06.2008, p. 1 u ĠU C 128, 18.05.2010, p. 97.

(17)  Il-Qorti kienet diġà kkonfermat, fil-5 ta' Mejju 1982 fis-sentenza Schul, każ 15/81, li s-suq komuni, sempliċi żona ta' kummerċ ħieles, jippreċedi s-suq intern. Is-suq intern għalhekk jinvolvi livell ogħla ta' integrazzjoni ekonomika.

(18)  Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.

(19)  COM(2007) 724 finali, SEC(2007) 1517, 1518, 1519, 1520 u 1521.

(20)  COM(2007) 725 finali, SEC(2007) 1514, 1515 u 1516.

(21)  COM(2007) 726 finali.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/13

Relatur: is-Sinjura GAUCI

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, vot wieħed kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu żviluppati programmi kontinwi ta’ tagħlim tul il-ħajja speċifikament għal persunal tal-gżejjer li jaħdem fis-settur tat-turiżmu. Għal dan il-għan għandhom jiġu allokati fondi speċifiċi mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-fondi ta’ koeżjoni. Qafas adegwat dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol biex jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità u miżuri għall-appoġġ tal-intraprendituri (netwerks, marketing, promozzjoni, …) għandu jgħin biex jitrawwem it-turiżmu fil-gżejjer.

1.2   B’mod simili, u billi nżommu quddiem għajnejna l-importanza dejjem tikber tar-riservazzjonijiet għall-ivvjaġġar u għat-turiżmu li qed isiru bl-internet, kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju fis-settur tat-turiżmu (tal-gżejjer) għandhom jingħataw jew taħriġ appoġġjat mill-UE jew aċċess semplifikat għall-fornituri tas-servizzi adegwati biex jiżviluppaw preżenza fuq l-internet li tirnexxi, mingħajr ir-riskju li jitilfu l-konsumaturi “moderni” tagħhom.

1.3   Il-KESE jipproponi li titwaqqaf skola interreġjonali, li tippromovi kunċett simili għal dak ta’ “Erasmus għal studenti u ħaddiema fis-settur tat-turiżmu”, fi gżira li għandha pożizzjoni strateġika.

1.4   Għalkemm in-negozju, u speċjalment in-negozju żgħir, igawdi meta jkun hemm inqas leġislazzjoni u meta l-leġislazzjoni tkun aħjar, għandu jiġu kkunsidrat it-twaqqif ta’ awtorità amministrattiva speċifika fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea eż. Direttorat Ġenerali għat-Turiżmu. It-turiżmu jgħodd għal bejn 11-12 % tal-PDG tal-UE, iżda jilħaq il-25 % tal-PDG fi gżejjer bħal Malta. Il-KESE jħares lejn din l-awtorità għat-turiżmu tal-Kummissjoni bħala l-għassies tal-interessi tat-turiżmu (tal-gżejjer) fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-politiki tal-UE. F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppropona t-twaqqif ta’ Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu - hawnhekk il-Kumitat qed itenni din il-proposta.

1.5   Minħabba n-natura tagħhom, il-gżejjer għandhom żvantaġġ meta mqabblin mat-terraferma: id-distanza, l-aċċessibbiltà u l-fatt li huma mdawrin bil-baħar. Il-KESE jemmen li għandu jinstab reġim fiskali favorevoli li jkun iqis l-isforzi speċjali li saru għall-investimenti, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, l-adattament tal-perijodi li matulhom ikunu miftuħin in-negozji, kollha bl-intenzjoni li jittaffew l-effetti tal-istaġunalità.

1.6   Id-definizzjoni tal-UE ta’ x’inhuma gżejjer xi drabi mhijiex adegwata, u ta’ sikwit tkun ta’ xkiel biex jinstabu soluzzjonijiet. Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1) rrakkomandaw li din id-definizzjoni tinbidel.

1.7   L-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa kunċett ġdid fil-politika reġjonali, li jista’ jissejjaħ il-kooperazzjoni makroreġjonali (eż. l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku - l-Istrateġija tad-Danubju). Il-KESE huwa persważ li dan il-kunċett huwa wieħed interessanti u li jista’ jiġi applikat għal gruppi ta’ gżejjer. Għaldaqstant strateġija makroreġjonali għall-gżejjer tal-Mediterran tal-Punent għandha ttaffi wħud mill-problemi ta’ aċċessibbiltà li dawn qed jgħaddu minnhom.

1.8   Il-KESE huwa favur u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-programm CALYPSO dwar it-turiżmu soċjali. Il-KESE jemmen li wara l-azzjonijiet ta’ tħejjija li bdew fl-2009, għandu jsir programm sħiħ. Il-KESE jirrakkomanda li l-programm CALYPSO jiġi integrat fl-istrateġija makroreġjonali futura li tinkludi r-reġjun tal-Mediterran tal-Punent.

2.   Daħla

2.1   It-turiżmu jagħti kontribut importanti, u li qiegħed dejjem jikber, lit-tkabbir ekonomiku u, f’xi każijiet estremi, jgħodd sa 70 % tal-PDG ta’ gżira. Huwa jirrappreżenta waħda mill-aħjar opportunitajiet għall-ħolqien tad-dħul u tal-impjiegi. Filwaqt li l-proporzjon tat-turiżmu fl-Ewropa meta mqabbla mal-bqija tad-dinja qiegħda tonqos, l-ammont ta’ turisti li jaslu fl-UE huwa mistenni li jikber. Madanakollu, ma nistgħux nistennew li t-tkabbir tat-turiżmu jsir fiż-żgur, kif uriet biċ-ċar il-kriżi finanzjarja tal-2008-2009.

2.2   Qegħdin jiżviluppaw suriet ġodda ta’ turiżmu li qed jieħdu post it-turiżmu tradizzjonali tal-massa tal-baħar u x-xemx. Dawn jinkludu tipi ta’ turiżmu aktar innovattivi u forom speċjalizzati ta’ turiżmu “aktar ekoloġiku” u orjentat lejn l-“esperjenza”. Barra minn hekk, iż-żieda fid-domanda għat-turiżmu, kif ukoll il-bidliet demografiċi (bħall-għadd dejjem jikber ta’ vjaġġaturi ta’ età avvanzata) qed iżidu l-pass li bih qed jiġu segmentati il-prodotti tat-turiżmu u tal-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ prodotti tat-turiżmu li jinkludu livell għoli ta’ servizzi ġodda.

2.3   L-innovazzjoni hija aspett ewlieni tal-politika ekonomika, kemm fil-livell tal-UE (bl-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Istrateġija UE2020), kif ukoll fil-livell reġjonali, b’investiment pubbliku dejjem jikber fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ tal-“aktar setturi innovattivi” (eż. it-trasport, l-enerġija, l-industriji ekoloġiċi). Dan jgħodd ukoll għas-servizzi, speċjalment dawk li jeħtieġu livell ta’ għarfien jew kwalifiki li hu meqjus bħala tipiku għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tat-turiżmu (eż. akkomodazzjoni, ikel, il-proprjetà).

2.4   It-turist tal-lum qed ifittex l-aqwa kwalità għall-orħos prezz. Għalhekk it-turiżmu tal-gżejjer jeħtieġ mhux biss persunal kwalifikat, iżda impenn mill-ħaddiema u minn dawk li jħaddmu lejn tagħlim tul il-ħajja biex jinżammu standards għoljin ta’ servizz fid-dinja li tinbidel malajr tal-vjaġġatur li jqis bir-reqqa u jistenna ħafna. Wieħed mill-prerekwiżiti għal turiżmu ta’ kwalità huwa li jiġi żgurat li n-nies ikunu mħarrġin u kkwalifikati tajjeb.

2.5   Wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ bidla u innovazzjoni fit-turiżmu huwa marbut mal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Permezz tal-preżenza kontinwa tal-ICT u tal-internet fl-industrija tat-turiżmu, il-konsumaturi jkunu jistgħu jinteraġixxu direttament ma’ dawk li jipprovdu s-servizzi. Għas-settur kollu kemm hu, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż (tat-transazzjonijiet), li wara jwassal ukoll għal proċess ta’ tnaqqis ta’ intermedjarji bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar jew saħansitra l-operaturi tat-tours. Innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-ivvjaġġar tal-massa, bħall-fatt li feġġew il-linji tal-ajru rħas (low-cost), influwenzaw bil-bosta t-tkabbir u t-tkomplija tal-iżvilupp tal-industrija tat-turiżmu.

2.6   Iżda għad fadal diversi kwistjonijiet għall-gżejjer. Ġeneralment il-gżejjer jibqgħu lura meta mqabbla mal-artijiet li mhumiex imdawwra bil-baħar. Barra minn hekk, ħafna minn dawn it-teknoloġiji u l-proċessi ġodda mhumiex ikkontrollati, manifatturati jew saħansitra miżmuma min-negozji li huma milquta minnhom direttament.

2.7   L-awtoritajiet tal-gżejjer qed jirrevedu l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-prattiki ġodda tal-industrija fuq l-inizjattivi u l-azzjonijiet ta’ politika dwar it-turiżmu tagħhom. L-għan ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet jappoġġjaw u jħeġġu l-innovazzjoni, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli tiżviluppa l-industrija tat-turiżmu tagħhom.

3.   Hemm bżonn ta’ bidla bilfors

3.1   Fid-dawl tad-dinamika li qed tinbidel fis-soċjetà, kif ukoll tal-waqgħa tat-turiżmu tal-massa kif organizzat mill-operaturi tat-tours fis-seklu 20, it-turiżmu tal-gżejjer għandu jkun innovattiv u jadatta għal paradigma ġdid biex jirnexxi. L-innovazzjoni tinsab fi ħdan in-nies li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu nnifsu. Paradossalment l-innovazzjoni tfixkel id-drawwiet stabbiliti, u n-nies normalment jirreżistu l-bidla jekk fiha ma jarawx benefiċċji immedjati.

3.2   Matul l-aħħar nofs tas-seklu 20, l-offerta tas-suq tat-turiżmu tal-massa ddettat id-domanda. Minkejja dan, feġġ għadd dejjem jikber ta’ destinazzjonijiet li fawwru s-suq. Illum il-ġurnata, id-domanda “ta’ dak il-ħin” qiegħda tirbaħ f’suq tipikament iddominat mill-konsumaturi. B’konsegwenza ta’ dan, il-fornitur qiegħed ibati. Dan jippreżenta sfida ġdida li tista’ tissolva permezz tal-innovazzjoni u b’ideat kreattivi, bl-iżvilupp ta’ varjetà kbira ta’ forom ta’ turiżmu speċifiċi (niche), bħalma huma t-turiżmu terapewtiku, dak ekoloġiku, tal-irziezet, tan-natura, eċċ.

3.3   Barra minn hekk, l-istili ta’ ħajja nbidlu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. L-industrija tat-turiżmu qed tħabbat wiċċha ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, li hi aktar f’saħħitha u li għandha aktar flus biex tieħu aktar vaganzi u tieħu vaganzi iqsar. Għal għadd kbir ta’ turisti, l-enfasi mxiet minn “l-irħas prezz disponibbli” għal “l-aħjar kwalità/għall-aħjar prezz”. Il-lealtà tal-konsumaturi qed tonqos u t-turisti qed ifittxu dejjem aktar is-sostenibbiltà u l-awtentiċità, u jersqu lil hinn mit-turiżmu tal-massa. It-turiżmu tal-gżejjer bilfors irid jindirizza l-kwistjoni tal-innovazzjoni jekk irid jibqa’ ħaj f’dawn iċ-ċirkostanzi.

4.   It-turiżmu tal-gżejjer u l-innovazzjoni tal-prodotti

4.1   F’kumpaniji kbar tal-industrija tat-turiżmu, l-innovazzjoni hija rutina u aspett normali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kumpaniji. Biex jiżguraw li ma jinqabdux fuq sieq waħda minn innovazzjonijiet mhux mistennija, illum il-ġurnata l-kumpaniji jinkludu l-innovazzjoni bħala parti mill-ippjanar tagħhom ta’ kuljum. Għalihom l-innovazzjoni hija sempliċiment fattur ieħor tal-produzzjoni.

4.2   Minkejja dan, għall-industrija tat-turiżmu tan-negozji ż-żgħar orjentata lejn id-destinazzjonijiet, il-possibbiltà li jgawdu mill-innovazzjoni b’mod sħiħ hija limitata. Il-limitazzjoni prinċipali hija n-nuqqas ta’ persunal u ta’ fondi. Fuq kollox, l-SMEs fit-turiżmu kollha huma interessati l-aktar mill-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-konsumaturi regolari tagħhom u mhumiex f’pożizzjoni li jerfgħu l-fondi għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

4.3   Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-industrija tat-turiżmu hija dominata mill-SMEs u dan huwa partikolament veru għall-gżejjer. Biex ikampaw f’ambjent li kull ma jmur qed isir dejjem aktar kompetittiv u globali, l-intrapriżi tat-turiżmu, speċjalment iż-żgħar, ser ikollhom bżonn jiksbu l-ekonomiji tal-kobor (economies of scale) u massa kritika sabiex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom tat-transazzjonijiet, iżidu l-produttività u jiksbu s-setgħa fis-suq. Ir-ristrutturar u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ser jgħinu lill-intrapriżi jadattaw għall-bidliet u jżidu l-kompetittività tagħhom.

4.4   Waħda mill-isfidi għall-industrija tat-turiżmu hija li joffru prodotti u servizzi ġodda. It-turiżmu bbażat fuq l-esperjenza, dak sostenibbli u t-turiżmu naturali/kulturali/storiku huma wħud mill-istrateġiji li taw il-bidu għal ħafna prodotti tat-turiżmu innovattivi f’ħafna destinazzjonijiet Ewropej tal-lum. Il-gżejjer għandhom jippromovu aktar dawn il-prodotti għax jirrelataw mal-qalba ta’ dak li jagħtihom “l-identità ta’ gżira”.

4.5   It-turiżmu bbażat fuq l-esperjenza joħroġ mill-interazzjoni bejn it-turisti u d-destinazzjonijiet. L-esperjenza ġenerali tat-turisti hija magħmula minn bosta kuntatti żgħar ma’ varjetà ta’ nies differenti li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.

4.6   Il-fatt li l-konsumaturi huma aktar konxji ta’ kwistjonijiet ambjentali jħeġġeġ lin-negozji tat-turiżmu biex ikunu innovattivi u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, kemm fl-interazzjoni tat-turisti mal-ambjent, kif ukoll fil-prestazzjoni ambjentali tagħhom stess. Fil-fatt, il-prodotti innovattivi ewlenin jinsabu f’oqsma speċifiċi bħalma huma l-ekoturiżmu u t-turiżmu bbażat fuq l-avventura.

4.7   It-turiżmu kulturali wkoll huwa settur importanti u li qiegħed jikber, li jattira viżitaturi relattivament sinjuri u edukati. Ħafna gżejjer qed isibu pożizzjoni ġdida fis-suq għas-servizzi kulturali tagħhom u qed jiżviluppaw innovazzjonijiet li huma mmirati biex iżidu l-valur permezz tal-kultura. Dawn qed jiddiversifikaw it-turiżmu u jżidu t-tul taż-żjajjar tal-viżitaturi permezz, pereżempju ta’ preżentazzjoni u promozzjoni aħjar tal-esperjenzi u l-avvenimenti kulturali disponibbli.

4.8   Jekk it-turiżmu ma jiġix integrat fis-soċjetà tal-gżira b’mod armonjuż, u joffri benefiċċji biss lil ftit mill-abitanti, filwaqt li jtellef lil ħafna oħrajn, ma jkunx parti sostenibbli u armonjuża tal-attivitajiet tas-soċjetà. Biex jiġi żgurat li l-popolazzjoni taċċetta li tappoġġja soċjetà tat-turiżmu tal-gżejjer, hemm bżonn li jsir ippjanar minn isfel għal fuq kif ukoll tal-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. It-turiżmu jista’ jipprovdi opportunità biex il-popolazzjoni ta’ gżira tingħaqad flimkien billi jiġi involut kulħadd u billi jkun hemm għajnuna biex kulħadd jifhem li t-turiżmu jħalli effetti mifruxa fuq it-titjib tal-ambjent naturali u dak urban, l-użu tal-art u l-ippjanar tal-ispazju, is-servizzi soċjali u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali (l-arkitettura, l-artiġġjanat, l-ispeċjalitajiet tal-ikel tradizzjonali, eċċ.)

4.9   Jista’ jiġri li tipi differenti ta’ turiżmu ma jkunux kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment f’ambjent ta’ gżira żgħira. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ suq speċjalizzat bħal dak tal-korsijiet tal-lingwa għall-istudenti fis-sajf jista’ ma jkunx kompatibbli mal-iżvilupp ta’ suq għas-sajf għal persuni avvanzati fl-età meta l-imġiba storbjuża taż-żgħażagħ wara l-lezzjonijiet ma taqbilx mal-kwiet li jkunu qed ifittxu l-anzjani. Mill-ġdid, hemm bżonn ta’ appoġġ minn isfel għal fuq għat-tip(i) ta’ turiżmu li tagħżel gżira sabiex din l-għażla tkun ta’ suċċess.

4.10   Wara kollox it-turiżmu ma jolqotx biss lin-nies li direttament jaħdmu fil-lukandi, ir-restoranti jew mal-kumpaniji tal-ajru. Huwa jinvolvi ħafna aktar setturi li huma marbuta mas-setturi tat-turiżmu, mill-plumber sal-bidwi lokali.

5.   It-titjib tat-turiżmu tal-gżejjer permezz tal-innovazzjoni tal-proċessi

5.1   L-industrija tat-turiżmu minn dejjem kienet proattiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħalma huma s-sistemi ta’ distribuzzjoni globali. Avvanzi riċenti fit-telekomunikazzjonijiet, in-netwerking, id-databases, l-ipproċessar tad-data u r-reklamar elettroniku jipprovdu ħafna opportunitajiet ġodda għan-negozji tat-turiżmu. Dawn qed iħallu impatt sinifikanti fuq il-mudelli tan-negozji tat-turiżmu tradizzjonali. L-użu tal-aċċess għall-broadband internet bit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jżid il-valur lis-servizzi u l-prodotti tat-turiżmu u jgħin l-iżvilupp tan-netwerks u l-clusters tal-industrija. Il-problema ta’ dan hija l-assenza tat-teknoloġija broadband u n-nuqqas ta’ għarfien u ħiliet speċjalizzati biex jittieħdu l-benefiċċji kollha tal-ICT. Għandu jiġi organizzat taħriġ speċifiku għall-popolazzjonijiet tal-gżejjer biex jimtlew dawn il-lakuni.

5.2   Il-konsumaturi qed isiru dejjem aktar familjari mal-użu tal-ICT biex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għat-turiżmu. Fil-livell tal-UE llum, żewġ terzi tat-turisti futuri jorganizzaw il-vjaġġi tagħhom bl-internet, u aktar minn 50 % jixtru l-vjaġġ tagħhom onlajn. Huma jfittxu prodotti flessibbli u aċċessibbli faċilment, u jħobbu jikkomunikaw direttament mal-produtturi tat-turiżmu. Biex jieħdu vantaġġ minn din ir-rivoluzzjoni tal-ICT, l-intraprendituri jridu jfasslu mill-ġdid il-proċess kollu tal-marketing tal-industrija. It-teknoloġija tal-internet toffri kemm lill-intrapriżi kif ukoll lill-konsumaturi potenzjal kbir għal negozju onlajn dirett.

5.3   Ħafna gżejjer Ewropej bi tradizzjoni twila ta’ turiżmu qed ibatu minn dgħufijiet fil-produzzjoni u t-tkabbir. F’dawn il-postijiet it-turiżmu jinsab taħt pressjoni kompetittiva qawwija. Fis-suq tat-turiżmu globali liberalizzat, il-gżejjer qed jikkompetu ma’ destinazzjonijiet ġodda li jistgħu jgawdu minn riżorsi li ma ntmessewx jew li mhumiex użati ħafna u li għandhom kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli, inkluż pagi baxxi, diversi forom ta’ għajnuniet mill-istat u muniti dgħajfa.

5.4   Bħall-industriji kollha tas-servizzi, il-kwalità tal-offerta tas-servizzi fit-turiżmu tal-gżejjer tiddependi ħafna mill-kwalità tal-ħaddiema u tan-nies. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin huma marbutin ma’ livelli tajbin ta’ servizz.

5.5   It-turiżmu tal-gżejjer Ewropew, peress li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa magħmul minn SMEs u kkaratterizzat b’intensità għolja tax-xogħol, għandu problema ta’ produttività minħabba n-natura frammentata tiegħu. Din il-produttività mnaqqsa tagħmilha diffiċli biex gżira fit-turiżmu tkun kompetittiva. Dan il-fatt huwa rifless fil-prezz mitlub.

5.6   Il-problema tal-istaġunalità għandha konsegwenzi reali għall-istabbiltà tal-impjiegi, u tagħmel il-fatt li wieħed jaħdem fis-settur tat-turiżmu inqas attraenti. Huwa għalhekk li għandna bżonn nippromovu kuntratti speċjali li jiggarantixxu impjieg stabbli għal ħaddiema staġunali, biex dawn jingħataw drittijiet soċjali u tax-xogħol ugwali għal dawk tal-ħaddiema permanenti. Il-KESE diġà qajjem din il-kwistjoni fil-passat (2).

5.6.1   L-iżvilupp u t-tiġdid tat-turiżmu tal-gżejjer ser jeħtieġu li r-relazzjonijiet tax-xogħol jinbidlu u jiġu modernizzati, b’mod partikolari f’oqsma bħat-taħriġ, l-avvanz tal-impjiegi u l-karrieri, il-funzjonijiet tal-impjiegi, il-ġranet tax-xogħol, u s-sigħat u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, fi ħdan il-qafas tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.

5.7   L-aċċess għall-gżejjer, speċjalment fid-dinja mgħaġġla tal-lum, huwa prinċipalment bl-ivvjaġġar bl-ajru. L-ivvjaġġar bil-baħar mhux dejjem huwa alternattiva li tista’ tittieħed. Dan jeħtieġ infrastruttura soda fuq l-art marbuta ma’ netwerk affidabbli ta’ konnessjonijiet marittimi fl-ibħra. Il-konnessjonijiet marittimi, minħabba n-natura tagħhom, huma dipendenti mit-temp.

6.   L-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika għall-innovazzjoni fil-marketing tat-turiżmu fil-gżejjer

6.1   L-isfida ta’ vera għall-awtoritajiet inkarigati mit-turiżmu tal-gżejjer hija li jiddeterminaw l-aktar mod effettiv għall-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika li jappoġġjaw l-innovazzjoni fit-turiżmu mingħajr ma jinterferixxu fid-dinamiċi tas-suq. Prattika tajba tkun li l-gvernijiet iħallu lis-swieq jaġixxu kemm jista’ jkun u jintervjenu biss meta jkun hemm fallimenti tas-swieq.

6.2   Il-gżejjer għandhom jibbilanċjaw b’mod għaqli l-interessi li potenzjalment joħolqu kunflitt bejn in-negozji li jkunu qed ifittxu li jikbru, it-turisti-konsumaturi li jkunu qed ifittxu opportunitajiet għad-divertiment u l-ambjentalisti li jkunu qed ifittxu li jħarsu n-natura. Fir-rigward tal-ippjanar tal-ibliet hemm kwistjoni ewlenija: min għandu jitħalla jiddeċiedi dwar proġetti ta’ bini? Potenzjalment jista’ jkun hemm kunflitt bejn il-kunsilli lokali, li jistgħu jkunu influwenzati minn interessi kummerċjali lokali, u awtoritajiet reġjonali jew ċentrali li jkunu qed jaraw l-istampa ġenerali u jkunu jixtiequ jikkontrollaw bini bla rażan f’żoni li huma ambjentalment sensittivi.

6.3   Il-gvernijiet għandhom iħallu lill-kumpaniji innovattivi jiksbu l-ekonomiji tal-kobor u jfittxu l-innovazzjoni permezz ta’ sħubijiet f’kooperattivi u forom oħra ta’ netwerking. L-aktar mezz ta’ suċċess u li għandu potenzjal għall-innovazzjoni fl-industrija tat-turiżmu jista’ jinkiseb permezz tal-kooperazzjoni, is-sħubijiet u/jew in-netwerks f’oqsma bħat-teknoloġija, il-marketing, id-distribuzzjoni u l-qsim tar-riżorsi umani. S’issa qed jidher li l-kooperazzjoni fit-turiżmu mhijiex biżżejjed, speċjalment fl-SMEs. F’dan ir-rigward, il-gvern għandu jappoġġja politika tat-turiżmu innovattiva li tippromovi l-koerenza u s-sinerġija.

6.4   L-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-turiżmu ma jistax iseħħ jekk ma tiġix inkluża d-dimensjoni tal-ispazju. Fuq kollox hemm bżonn nikkunsidraw il-marketing tal-attrazzjonijiet u l-fatt li dawn isiru komodità. Dawn huma l-materji primi tat-turiżmu u dawk li joħolqu d-destinazzjonijiet tas-suq. Il-viżitaturi jagħżlu d-destinazzjoni li tidher li toffri l-akbar utilità u l-oġġetti li huma lesti li jħallsu għalihom. L-ammont li huma lesti li jħallsu jiżdied skont kemm tkun unika d-destinazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn huma affarijiet pubbliċi jew riżorsi komuni bħal pajsaġġi protetti jew artijiet riżervati għall-użu agrikolu li l-abitanti tal-gżejjer għandhom bżonn jipproteġu u jimmaniġġjaw, sabiex dawn ma jiġux biss ikkonsmati jew meqrudin.

6.5   Attrazzjonijiet lokali u servizzi innovattivi huma dawk li jagħtu lid-destinazzjonijiet it-togħma distinta tagħhom. Iżda fl-istess ħin jillimitaw ukoll il-possibiltajiet ta’ innovazzjoni tal-prodotti, peress li dawn l-innovazzjonijet ma jistgħux iseħħu mingħajr ma jiġu inkorporati l-karatteristiċi tad-destinazzjoni. Pereżempju, villeġġatura ħdejn il-baħar ma tistax tiġi ttrasformata f’post għall-kwiet fil-muntanji. Minkejja dan, pajjiż tat-turiżmu b’varjetà ta’ attrazzjonijiet jista’ jippreżenta lilu nnifsu f’pożizzjoni differenti fis-suq.

6.6   It-turiżmu tal-massa bbażat fuq ix-xemx, il-baħar u l-McDonalds, mhuwiex l-aħjar forma ta’ turiżmu għall-gżejjer għal tul ta’ żmien. Għall-argument, xi eżempji fl-Iskozja juru li forom speċjalizzati fuq skala żgħira ta’ turiżmu tal-gżejjer jistgħu jkunu ta’ suċċess kbir. M’hemmx formola li tgħodd għal kulħadd u huwa importanti li dan inżommuh quddiem għajnejna meta tkun qed titħejja strateġija għat-turiżmu tal-gżejjer. Dak li hu ideali għal gżira żgħira fil-Mediterran jista’ ma jkunx adegwat għal gżira żgħira ħafna lil hinn mix-xtut tar-Renju Unit, l-Irlanda jew l-Isvezja.

6.7   Id-destin tad-destinazzjonijiet jiddependi minn ħafna fatturi independenti. Dawn jinkludu l-pożizzjoni ġeografika u l-potenzjal tas-swieq sors, kif ukoll l-aċċessibbiltà kif espressa fi spejjeż tat-trasport u marbuta mal-ħin. Dawn il-fatturi jistgħu jiġu influwenzati mis-settur pubbliku biss permezz ta’ mekkaniżmi bħalma huma l-obbligi ta’ servizz pubbliku jew is-sistemi ta’ kontinwità territorjali. Barra minn hekk, tista’ tgħid li huma jiddeterminaw it-tip ta’ innovazzjonijiet tal-prodotti. L-isfida għall-intraprenditur lokali għalhekk hija li joħloq valur addizzjonali għall-konsumatur permezz ta’ prodotti ġodda.

6.8   Wieħed mit-temi attwali fl-UE hija s-sostenibbiltà ambjentali; din tkopri kwistjonijet bħall-identifikar ta’ mekkaniżmi utli għall-promozzjoni tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet marbutin mal-ivvjaġġar u kif is-sostenibbiltà ambjentali b’mod aktar ġenerali saret xprun ewlieni tal-kompetittività fit-turiżmu.

6.9   Pereżempju, x’qed iżomm lill-abitanti tal-gżejjer milli jtejbu x-xtajtiet tagħhom? Jew milli jiftaħru bil-wirt kulturali tagħhom? Għalfejn hemm biss ftit resorts għat-turisti li huma indikati meta, pereżempju, il-gżira kollha kemm hi tista’ tkun attrazzjoni turistika? Għalfejn ikun hemm konċentrazzjoni kbira fi żmien partikolari u “staġun tat-turisti” daqshekk qasir meta f’postijiet oħra t-turiżmu huwa attività tul is-sena kollha? Ir-reklamar isir biss għal xi post jew tnejn meta jista’ jsir għall-bliet u l-irħula kollha. Ir-residenti ta’ kull belt jew raħal iridu jitgħallmu jkunu kburin bil-belt jew raħal tagħhom u b’hekk biss jistgħu jipproteġu u jbiegħu l-prodott u l-wirt tagħhom.

6.10   B’għadd dejjem jikber ta’ turisti li qed iżuru l-gżejjer, l-awtoritajiet ser ikollhom bżonn jinvestu aktar biex jipproteġu l-kwalità sanitarja tad-destinazzjonijiet tal-gżejjer, jiżguraw kwalità tajba tal-ilma għax-xorb (u għall-ħasil), it-trattament tad-dranaġġ b’mod korrett, l-enerġija sostenibbli, u l-provvista ta’ ikel sigur.

6.11   Huwa importanti ħafna li tiżdied il-kuxjenza dwar il-kompetittività fost l-abitanti tal-gżejjer, sabiex din tkun lejn il-quċċata tal-aġenda tagħhom. Dan ma jistax isir mill-gvern waħdu. Il-ħaddiema, l-intrprendituri, il-mexxejja u l-istituzzjonijiet amministrattivi kollha jridu jaqdfu b’moqdief wieħed.

6.12   Prattikament hemm tliet fatturi li jinfluwenzaw u li huma deċiżivi:

l-ewwel nett hemm l-involviment tal-gvern fir-rigward tas-sigurtà tas-saħħa u s-sostenibbiltà ambjentali;

it-tieni nett l-element tan-negozju tas-settur privat li jista’ jinkludi t-trasport tal-art, tal-ajru u l-infrastruttura tal-ICT; kif ukoll

it-tielet nett, l-elementi kulturali umani tal-kwalitajiet tar-riżorsi ta’ kull pajjiż.

6.12.1   Il-gvern għandu influwenza kbira fuq l-ewwel kategorija. Jekk gżira jkollha livelli baxxi ta’ sostenibbiltà ambjentali, mela allura ma tkunx qed tagħmel biżżejjed. Dan juri kif il-gruppi ta’ pressjoni ambjentali u kulturali tajbin għandhom ikomplu jinsistu għal aktar kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-gżejjer u fuq il-bżonn urġenti li jsir aktar investiment biex jiġi protett.

6.12.2   Għal dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura tat-turiżmu, għad fadal ħafna x’isir ukoll. Prestazzjoni baxxa f’dan il-qasam tista’ sservi ta’ stimolu biex tittieħed azzjoni u biex tittieħed l-opportunità li jsir aktar investiment. Perijodu ta’ riċessjoni huwa żmien tajjeb biex issir reviżjoni tal-infrastruttura u jiġu ddedikati aktar riżorsi għat-titjib. Issa huwa l-mument meta l-gżejjer għandhom jitjiebu u jfittxu swieq speċifiċi ġodda permezz ta’ investimenti privati u pubbliċi ġodda. Il-gvern għandu jiżgura li l-settur privat ikollu aċċess ikbar għall-fondi u li l-banek jadattaw aktar għall-intrapriżi żgħar u medji. Huma għandhom jużaw b’mod sħiħ il-fondi kollha disponibbli taħt il-pakkett ta’ stimoli tal-UE. Iżda huwa aktar importanti li l-entitajiet tal-gvern ma jimponux regoli mhux adattati fuq is-settur privat biex jagħsru lill-intraprendituri mill-kapital li jista’ jkollhom disponibbli għall-investiment.

6.12.3   Teżisti n-naħa l-kerha tat-turiżmu tal-gżejjer: l-ekonomija moħbija li ġġib aktar dħul lill-abitanti tal-gżejjer iżda li tħalli impatt negattiv fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Djar sekondarji għandhom ħabta jżidu l-prezz għar-residenti tal-gżejjer iżda jirrappreżentaw ukoll sors ta’ dħul. Barra minn hekk, hemm il-pressjoni fuq l-infrastrutturi tal-ilma, tad-dranaġġ u l-enerġija, li fix-xhur l-aktar biżlin ikollhom ikampaw b’madwar 20 darba d-daqs tal-popolazzjoni lokali.

6.13   Waħda mill-konsegwenzi tal-flussi staġjonali fil-ħtiġijiet tax-xogħol hija l-presenza tal-ekonomija sewda. L-użu ħażin jew l-abbuż tax-xogħol tal-istudenti, jew l-użu tax-xogħol illegali jagħmel ħsara kemm lill-ħaddiema legali kif ukoll lil dawk illegali għax inaqqsu l-livelli tal-pagi mħallsa.

Ix-xogħol illegali jista’ jgħodd għal proporzjon sinifikanti tan-nies li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu. F’xi pajjiżi, jaqbeż in-nofs tal-forza tax-xogħol.

6.13.1   Xogħol irħis u mobbli mill-Istati l-Membri l-ġodda, eż. il-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija qed isir fattur li kull ma jmur qed joħroġ aktar fid-dieher fit-turiżmu tal-Punent, inkluż it-turiżmu tal-gżejjer. Taħt ir-regoli tal-UE dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tax-xogħol, din hija tendenza li ma tistax titwaqqaf u l-kwistjoni li qed jiffaċċjaw l-intraprendituri u l-ħaddiema hija dwar kif jistgħu jirrispondu għaliha. Hemm bżonn jiġi żgurat li n-negozji jkunu kompetittivi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-ugwaljanza u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu rispettati u l-ħaddiema mhux esplojtati.

6.14   Huwa għalhekk li t-turiżmu tal-gżejjer jeħtieġ approċċ meqjus. It-turiżmu huwa vitali għall-abitanti u għall-SMEs tal-gżejjer. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni. L-abitanti tal-gżejjer iridu jkejlu lilhom infushom mal-kompetizzjoni. L-ewwel nett iridu jiġu indirizzati l-problemi immedjati fuq żmien qasir. Biex it-turiżmu jibqa’ sostenibbli u mutur importanti tat-tkabbir tal-ekonomija, irid ikun hemm mezz effettiv għal azzjoni fuq tul ta’ żmien.

7.   L-iffaċilitar tan-netwerks għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi u tad-destinazzjonijiet turistiċi

7.1   Hemm konċentrazzjoni kbira ta’ diversi oqsma tal-industrija tat-turiżmu eż. il-linji tal-ajru, il-katini tal-lukandi, l-operaturi tat-tours jew l-aġenżiji tal-kiri tal-karozzi u dawn ta’ sikwit ikunu entitajiet globali. Min-naħa l-oħra, l-SMEs għadhom jgħoddu għall-biċċa l-kbira tal-industrija tat-turiżmu fil-gżejjer. Biex ikampaw meta jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-kompetituri globali, il-kumpaniji tat-turiżmu tal-gżejjer għandhom jippruvaw jinvolvu rwieħhom f’kompetizzjoni li hi kostruttiva aktar milli distruttiva. Il-kompetizzjoni kostruttiva tkabbar is-suq disponibbli, twessa’ l-pjattaforma tal-prodotti u fl-aħħar twassal għal diversifikazzjoni intelliġenti tal-prodotti u għal innovazzjoni biex ikunu jistgħu jinkisbu prodotti ta’ kwalità mondjali. Min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni distruttiva twassal biex il-kumpaniji jikkompetu għall-istess suq, li jwassal għall-konverġenza tal-prodotti u għal gwerer tal-prezzijiet. Għalhekk huwa importanti li l-intraprendituri tat-turiżmu jkunu jafu kif jaħdmu aktar flimkien biex ikun hemm kompetizzjoni kostruttiva.

7.2   L-intraprendituri tat-turiżmu tal-gżejjer, partikolarment dawk żgħar, huma aktar konxji tal-kompetizzjoni mill-imsieħba tagħhom milli tal-benefiċċji li jiksbu meta jaħdmu flimkien. Fid-dinja tat-turiżmu, tista’ ssir distinzjoni bejn in-netwerks/clusters ġeografiċi u dawk ibbażati fuq l-attività bħalma huma t-turiżmu ekoloġiku, tal-inbid/tal-kampanja, eċċ. In-netwerks/clusters jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-bini tal-kapaċità tal-operaturi biex ikunu innovattivi eż. permezz ta’ spejjeż aktar baxxi għall-esperimentazzjoni, viżibilità ikbar u kapaċità aħjar għar-rispons għad-domanda li qed tinbidel. Bħal f’industriji tas-servizzi oħrajn, l-innovazzjoni fl-industrija tat-turiżmu tistrieħ essenzjalment fuq in-netwerks u l-kooperazzjoni.

7.3   Il-kooperazzjoni bejn il-politiċi, min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tat-trejdunjins, kif ukoll l-integrazzjoni tal-korpi, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jaqdu rwol fis-settur turistiku, huma wkoll fatturi ewlenin għat-tkabbir kontinwu tal-industrija tat-turiżmu tal-gżejjer. Filwaqt li s-settur tan-negozji għandu rwol ewlieni biex jistabbilixxi n-netwerks, il-gvernijiet lokali huma responsabbli għall-iżvilupp ta’ infrastruttura li permezz tagħha tkun tista’ sseħħ kooperazzjoni aħjar u li tappoġġja n-netwerks tas-swieq.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Integrazzjoni aħjar fis-suq intern bħala fattur ewlieni għall-koeżjoni u t-tkabbir għal gżejjer”ĠU C 27 tat-3.2.2009, p. 123.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Turiżmu soċjalment sostenibbli għal kulħadd” (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 32, 5.02.2004, p. 1.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/14

Relatur: is-Sur NYBERG

Nhar it-18 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'121 vot favur, 55 vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1   Il-valur globali tat-transazzjonijiet finanzjarji kollha żdied minn madwar 15-il darba l-valur dinji tal-PDG fl-1990 għal madwar 70 darba fl-2007 (1). Ma kien hemm kważi l-ebda bidla fil-valur tat-transazzjonijiet fil-pront (spot transactions) fir-rigward tal-PDG li jfisser li din iż-żieda għal erba' darbiet fit-transazzjonijiet finanzjarji tikkonsisti kważi kollha kemm hi mid-derivattivi, l-aktar mid-derivattivi mir-rata tal-interessi. Kemm hemm tnaqqis fil-kummerċ tad-derivattivi tul it-tieni nofs tal-2008 iżda l-volum reġa' żdied tul l-ewwel nofs tal-2009. L-imġiba tas-settur finanzjarju ma tantx tidher li nbidlet ħafna.

1.2   Fl-2007, is-settur finanzjaru – li l-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jappoġġja l-ekonomija reali – kien jikkonsisti f'40 % tal-qligħ tal-kumpaniji kollha fl-Istati Uniti filwaqt li s-sehem tiegħu tal-PDG kien biss ta' 7 %. Kien hemm ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit swieq – b'mod partikolari Londra u New York – kif ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit mill-istituzzjonijiet finanzjarji kbar. Sabiex dawn l-istituzzjonijiet jiġu salvati milli jikkrollaw, intefgħu ammonti kbar ta' flus f'dan is-settur, li rriżulta f'deficits baġitarji mingħajr preċedent.

1.3   Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF) jista' jkollha impatt deċiżiv fuq l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji billi jitnaqqas in-numru ta' transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ħafna ta' żmien li ħafna drabi huma riskjużi wkoll.

1.4   Il-KESE bi prinċipju approva l-idea ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport de Larosière: (2)“Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta' żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”. B'din l-opinjoni, il-KESE jixtieq jieħu sehem fid-diskussjonijiet li għaddejjin fuq din it-taxxa u jelabora iktar fuq l-objettivi u l-effetti ta' din it-taxxa.

1.5   Il-proposta inizjali għal taxxa fuq it-transazzjonijiet fit-titoli ġiet formulata minn J.M. Keynes fl-1936. L-għan tiegħu kien li titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti fl-ekwitajiet u jissaħħu l-fundamentali tal-bażi tal-prezzijiet tal-ishma fuq perijodu fit-tul. Tul is-snin sebgħin dan ġie żviluppat iktar minn James Tobin. L-għan tiegħu kien li jitrażżan is-suq finanzjarju biex jiġi allinjat aktar mal-ekonomija reali permezz ta' taxxa fuq transazzjonijiet fil-pront fil-valuta internazzjonali. L-għan tiegħu kien l-istess bħall-objettiv li qed jiġi diskuss attwalment – li t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien jitnaqqsu.

1.6   Tobin issuġġerixxa li d-dħul mit-taxxa jintbagħat lill-Fond Monetarju Internazzjonali jew lill-Bank Dinji, iżda d-dħul ma kienx l-għan prinċipali tiegħu: “Iktar ma t-taxxa tirnexxi fl-objettivi ekonomiċi li oriġinarjament immotivawni … inqas ser tagħmel dħul …”

1.7   L-idea ta' taxxa reġgħet saret attwali quddiem il-kriżi finanzjarja tal-2008, din id-darba għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji.

1.8   Skont il-KESE, l-għan ewlieni ta' TTF għandu jkun li tinbidel l-imġiba fis-settur finanzjarju billi jitnaqqsu t-transazzjonijiet finanzjarji spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien. B'dan il-mod l-attivitajiet fis-settur finanzjarju jistgħu jaħdmu permezz tal-mekkaniżmu tal-prezz tas-suq. Uħud minn dawn it-transazzjonijiet ġew anke definiti bħala soċjalment inutli minn Lord Turner (mill-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit). L-effett mixtieq jista' jintlaħaq billi jkun żgurat li t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tolqot l-iktar lit-transazzjonijiet l-aktar frekwenti.

1.9   Jekk TTF tnaqqas sew il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien fit-titoli u d-derivattivi, din ser tnaqqas ukoll il-profitti fis-settur finanzjarju, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-bonusijiet iżda wkoll biex jonqos id-dħul mit-taxxa. Mhux ser tintlaqat l-attività bankarja tradizzjonali, ibbażata fuq is-self lin-negozji u lill-familji u ffinanzjata minn depożiti, u li l-profitti tagħha huma ġġenerati mid-differenza fir-rati ta' interessi. Din it-tip ta'attività bankarja tista' terġa' għal darb'oħra tkun l-għan ewlieni tas-settur finanzjarju, fejn is-self jintuża' bl-aħjar mod għall-investimenti. Id-diffikultajiet finanzjarji l-ġodda matul l-2010, kif ukoll it-tiftix tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-UE għal metodi ta' finanzjament għal kriżijiet finanzjarji futuri m'għandhomx itellfuna din l-opportunità tajba għal titjib fis-settur finanzjarju u lil hinn mill-viżjoni ta' żmien qasir.

1.10   It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta' dħul jista' jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan tal-aħħar jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta' żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku.

1.11   It-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji għalihom infushom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-kontribut mis-settur finanzjarju għall-ħlasijiet fiskali mhuwiex meqjus bħala ġust.

1.12   It-TTF għandu jkollha kamp ta' applikazzjoni wiesa' kemm jista' jkun u preferibbilment għandha tkun tapplika kemm għas-swieq nazzjonali kif ukoll għat-transazzjonijiet barranin. Għal sistema globali, il-KESE jirrakkomanda rata tat-taxxa għal TTF ta' biss 0,05 %. B'sistema Ewropea huwa rakkomandat li jkun hemm rata aktar baxxa sabiex ikun żgurat li din ma toħloqx distorsjoni fit-tħaddim tas-suq finanzjarju.

1.13   L-introduzzjoni ta' taxxa dejjem tnaqqas il-valur tal-assi, iżda din taffettwa fejn iseħħ il-kummerċ, jekk ma tkunx taxxa globali? Minn studju rriżulta li d-dazju tal-bolla attwali fir-Renju Unit naqqas l-introjtu b'20 %, u ma jistax jingħad li dan naqqas il-kummerċ f'Londra.

1.14   L-introduzzjoni ta' din it-taxxa mhi ser tinvolvi prattikament l-ebda spiża amministrattiva, teknika jew ekonomika peress li t-transazzjonijiet diġà huma kompjuterizzati. Madankollu, għad mhemm l-ebda suq kompjuterizzat għat-transazzjonijiet mhux regolati (over the counter jew OTC), għalkemm qiegħda titħejja leġislazzjoni tal-UE dwar dan. Il-ħtieġa li fil-Borża organizzata jiġu inklużi t-transazzjonijiet kollha, u għalhekk anki s-suq OTC juri li r-regolament u t-taxxi bħat-TTF, huma komplementari u mhux alternattivi.

1.15   Bi mġiba mibdula fis-settur finanzjarju li tiddependi aktar fuq l-elementi fundamentali fit-tul, u fl-istess ħin fuq dħul pubbliku miżjud, it-TTF għandha dak li jissejjeħ dividend doppju. Iżda huwa wkoll evidenti li iktar ma tkun għolja r-rata tat-taxxa, ikbar ikun l-effett fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien skambjati u b'konsegwenza, iżgħar ikun id-dħul Għalhekk għandha tinstab rata tat-taxxa li twassal għal bilanċ bejn iż-żewġ objettivi tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – bidla fl-imġiba u fid-dħul tat-taxxa.

1.16   Jekk tiġi applikata madwar l-UE, id-dħul mit-taxxa ser ikun madwar 1,5 % tal-PDG, fejn il-biċċa l-kbira tad-dħul ikun ġej mis-suq finanzjarju tar-Renju Unit. Jekk tiġi applikata mad-dinja kollha, id-dħul mit-taxxa jkun madwar 1,2 % tal-PDG dinji. Ir-riżultati huma bejn wieħed u ieħor l-istess kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Istati Uniti.

1.17   Fil-laqgħa tiegħu f'Toronto nhar is-26 u s-27 ta' Ġunju 2010, il-G20 ma pproponiex taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Il-KESE jikkunsidra li s-sistema Ewropea xorta waħda għandha tinżamm fl-aġenda għar-riformi finanzjarji.

2.   Kuntest

2.1   Ingħataw bosta raġunijiet għall-kriżi finanzjarja li faqqgħet b'mod drammatiku wara l-falliment tal-Lehman Brothers fl-2008 (3). Dawn jinkludu il-munita irħas permezz ta' rati ta' interessi baxxi, id-distribuzzjoni ta' titoli ta' riskju għoli perezz tat-titolizzazzjoni, in-nuqqas ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, id-disponibbiltà ta' riżorsi ekonomiċi għall-ispekulazzjoni permezz ta' distribuzzjoni mill-ġdid fit-tul tad-dħul mix-xogħol għall-kapital, in-natura dinjija tas-suq finanzjarju, eċċ.

2.2   Is-settur finanzjarju fir-rigward tal-PDG żdied iktar milli wieħed jista' jobsor. Fl-1990, il-valur tat-transazzjonijiet finanzjarji tela' għal madwar 15-il darba tal-PDG. Sal-kriżi tal-2008, dawn żdiedu għal 70 darba tal-PDG (4). It-transazzjonijiet fil-pront jirrappreżentaw kważi l-istess persentaġġ tal-PDG dinji bħal fl-1990, u għalhekk iż-żieda għal erba' darbiet fit-transazzjonijiet finanzjarji tikkonsisti kważi kollha kemm hi mid-derivattivi. Prinċipalment, dawn huma t-transazzjonijiet mhux regolati (OTC), ftehimiet diretti bejn ix-xerrej u l-istituzzjoni finanzjarja, u ħafna minn dawn jikkonċernaw derivattivi relatati mar-rata tal-interessi (5). Anki transazzjonijiet fit-tul, bħalma huma titoli ta' ipoteki, iddaħħlu fis-suq fuq medda qasira ta' żmien peress li dawn ta' spiss ibiddlu l-proprjetarju tagħhom. Ir-raġunijiet għall-maġġoranza ta' dan il-kummerċ il-ġdid jistgħu jkunu kemm l-evitar tar-riskju kif ukoll spekulazzjoni.

2.2.1   L-evoluzzjoni tas-suq tad-derivattivi huwa aspett ġdid tas-sistema ekonomika, li mhux dejjem huwa marbut mal-ekonomija reali bl-istess mod bħalma huwa l-kapital tradizzjonali. Hemm bosta tipi ta' derivattivi, bħalma huma l-għażliet, il-futures, il-forwards u s-swaps, u dawn jistgħu jkunu bbażati pereżempju fuq il-prodotti differenti, il-kambju, ir-rati tal-interessi iżda wkoll fuq il-logħob tal-flus.

2.2.2   L-istatistika turi li kien hemm tnaqqis fil-kummerċ tad-derivattivi fit-tieni nofs tal-2008. Madankollu, it-tnaqqis ma kienx partikolarment kbir, kien biss tnaqqis għal-livell ta' tliet snin ilu. Barra minn hekk, fl-ewwel nofs tal-2009 l-amont reġa' beda jiżdied (6). Mill-ġdid, dawn il-bidliet applikaw primarjament għad-derivattivi tar-rata tal-interessi. Minn dan nistgħu nikkonkludu li ma tantx kien hemm tibdil fl-imġiba tas-settur finanzjarju. Min-naħa l-oħra, it-titolizzazzjoni, li hija l-kawża prinċipali tal-kriżi finanzjarja, prattikament ġiet eliminata mis-suq (7).

2.2.3   Fl-2007, eżatt qabel il-kriżi, is-settur finanzjaru kien jirrappreżenta 40 % tal-qligħ tal-kumpaniji kollha fl-Istati Uniti, filwaqt li s-sehem tiegħu tal-PDG kien biss ta' 7 % (8). Meta s-settur finanzjarju jieħu 40 % tal-profitti, dan ikun iddevja mir-rwol tiegħu bħala intermedjarju finanzjarju. F'dan ir-rigward, in-natura oligopolistika tas-settur finanzjarju f'ċerti pajjiżi mhiiex effiċjenti fil-finanzjament tiegħu tal-ekonomija reali.

2.2.4   Kien hemm ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit swieq – b'mod speċjali Londra u New York. Fl-istess ħin kien hemm konċentrazzjoni lejn xi ftit istituzzjonijiet finanzjarji kbar ħafna. Id-daqs tagħhom ħoloq l-islogan “kbar wisq biex infallu”, li min-naħa tagħhom ħolqu l-ħtieġa biex bosta gvernijiet isalvaw xi banek biex jevitaw li jikkollassa s-settur finanzjarju. Ammonti enormi ta' flus intefgħu f'dan is-settur, li wassal għal defiċits baġitarji mingħajr preċedent.

2.3   Fir-rapport ta' de Larosière tressqu bosta proposti biex tinbidel is-sistema finanzjarja sabiex fil-futur ma jitħallewx jiżviluppaw kriżijiet (9). Dan malajr ġie segwit minn erba' proposti għal regolamenti fuq is-superviżjoni fil-livelli makro u mikro tas-settur finanzjarju mill-Kummissjoni (10) kif ukoll bosta proposti sabiex jinbidlu r-regoli fis-settur finanzjarju (11). Fl-istess ħin għaddejja diskussjoni taħraq fuq dan is-suġġett fl-Istati Uniti.

2.3.1   Il-proposti għal leġislazzjoni ġdida kienu prinċipalment dwar is-superviżjoni u r-regolazzjoni ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, bis-sostituzzjoni parzjali ta' xi ftit mill-awtoregolamentazzjoni tas-settur finanzjarju. Partijiet żgħar biss tal-proposti kienu mmirati lejn il-bidla fl-imġiba tas-settur finanzjarju. Ma tressqet l-ebda proposta biex jiġu rregolati l-istrumenti tas-settur finanzjarju, minkejja l-fatt li wħud mill-kawżi reali tal-kriżi finanzjarja jinsabu fosthom.

2.4   Lanqas ma kien hemm proposta formali tal-UE dwar taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF), għalkemm diskussjoni ġenerali rrankat sew tul dawn l-aħħar ftit snin. Skont il-KESE din it-taxxa jista' jkollha impatt deċiżiv fuq l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji u fuq l-istrumenti. Dan jista' jinkiseb permezz ta' tnaqqis ta' wħud mit-transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien li bħalissa qed jiddominaw.

2.4.1   Fil-laqgħa tagħha f'Pittsburgh, f'Settembru 2009, il-mexxejja tal-G-20 staqsew lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) sabiex iħejji rapport għal-laqgħa tagħhom li jmiss (Ġunju 2010) dwar il-firxa ta' għażliet li l-pajjiżi adottaw jew li qed jikkunsidraw biex is-settur finanzjarju jkun jista' jagħti kontribut ġust u sostanzjali lejn il-ħlas ta' kwalunkwe piżijiet assoċjati mal-intervenzjonijiet tal-gvern bil-għan li tissewwa s-sistema bankarja. Fir-rapport preliminari tal-Fond Monetarju Internazzjonali li ġie ppreżentat f'April 2010, l-enfasi kienet fuq il-miżuri li jirribattu kriżijiet finanzjarji futuri, prinċipalment tariffa għall-istabbilità finanzjarja flimkien ma' skema ta' riżoluzzjoni. F'din l-opinjoni l-KESE mhux ser jagħmel kummenti speċjali fuq dawn il-proposti u se jillimita lilu nnifsu għad-diskussjoni qasira tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar TTF għall-kriżi attwali.

2.4.2   Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport de Larosière, il-KESE bi prinċipju qabel ma' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji: “Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' bidla minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta' żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”. F'din l-opinjoni l-KESE jixtieq jieħu sehem fid-diskussjonijiet li għaddejjin u jelabora iktar fuq l-objettivi u l-effetti ta' din it-taxxa.

3.   Introduzzjoni

3.1   Il-proposta inizjali għal taxxa fuq it-transazzjonijiet fit-titoli ġiet formulata minn J.M. Keynes fl-1936 biex titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti fl-ekwitajiet u biex jissaħħu l-fundamentali tal-bażi tal-prezzijiet tal-ishma fuq il-perijodu fit-tul.

3.2   Tul is-snin sebgħin James Tobin ippropona taxxa għat-transazzjonijiet tal-valuta, “it-taxxa Tobin”, biex titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti tal-valuta. Bil-moviment ħieles tal-kapital, l-attakki spekulattivi fuq il-valuti saru iktar faċli. L-għan tiegħu kien li jitrażżan is-suq finanzjarju biex jiġi allinjat aktar mal-ekonomija reali u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-politika monetarja. It-taxxa kellha tapplika għal transazzjonijiet fil-pront fil-valuta u b'rata tat-taxxa ta' 0,5 %. Għalkemm ma kinitx immirata għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha (it-transazzjonijiet fil-pront huma inqas minn 10 % tat-transazzjonijiet dinjija), l-għan tagħha kien bħal wieħed mill-għanijiet li qed jiġu diskussi attwalment – li jitnaqqsu t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien.

3.2.1   Tobin issuġġerixxa li d-dħul mit-taxxa jintbagħat lill-FMI jew lill-Bank Dinji, iżda d-dħul ma kienx l-għan prinċipali tiegħu: “Iktar ma t-taxxa tirnexxi fl-objettivi ekonomiċi li oriġinarjament immotivawni … inqas ser tagħmel dħul …” (12).

3.3   L-idea ta' taxxa kienet reġgħet feġġet tul il-kriżi finanzjarja tal-2008, din id-darba mhux biss għat-transazzjonijiet tal-valuta iżda għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha. ta' min jinnota li anki b'dan il-kamp ta' applikazzjoni wiesa', din ma tinkludix transazzjonijiet finanzjarji fejn huma involuti l-familji u l-intrapriżi. Din għandha tiġi limitata għal transazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji. Fost dawk li huma favur it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji nsibu bosta tipi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ekonomisti, persuni fis-settur finanzjarju bħal Lord Turner, il-President tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji Brittannika, u issa l-Kunsill Ewropew ukoll fil-proposti tiegħu għal-laqgħa tal-G20 fis-17 ta' Ġunju 2010 (13). Fost dawk kontra l-introduzzjoni tat-TTF huma l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-OECD u l-Bank Dinji.

3.4   X'inhuma l-objettivi ewlenin ta' din it-taxxa? Fejn għandha tiġi applikata? Kemm għandha tkun għolja? Tista' tiġi applikata f'pajjiż wieħed jew jeħtieġ li tiġi applikata fl-UE kollha, jew fid-dinja kollha? X'riżultati nistgħu nistennew? Qed niddiskutu dawn il-mistoqsijiet u qed nagħtu xi ċifri bbażati fuq studji mill-Istitut Awstrijaku għar-Riċerka Ekonomika (WIFO) (14), miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u ta' Politika (CEPR – Center for Economic and Policy Research) u mill-Istitut tar-Riċerka dwar l-Ekonomija Politika (PERI – Political Economy Research Institute, fl-Università ta' Massachusetts, Amherst) (15).

3.5   Mekkaniżmu sabiex tiġi influwenzata l-imġiba fis-settur finanzjarju, wara d-diskussjonijiet minn Keynes u Tobin, huwa permezz tal-effett tat-TTF fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien. Minħabba l-frekwenza tal-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien, TTF tgħolli l-ispejjeż tat-transazzjonijiet meta mqabbla mat-transazzjonijiet fit-tul. Billi jibdlu l-ispejjeż relattivi, il-gvernijiet ikunu jistgħu, b'dan il-mod, jiggwidaw lis-settur finanzjarju permezz tal-użu tal-mekkaniżmu tal-prezz tas-suq, biex jiddependi aktar fuq l-elementi fundamentali fit-tul tal-ekonomija reali.

4.   Għanijiet

4.1   Ħarsa dettaljata lejn is-suq finanzjarju turi li l-volum żdied l-iktar minħabba transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien, ħafna drabi ta' natura spekulattiva jew ta' kopertura tar-riskju. Meta mqabbla mal-ekonomija reali, ħafna minn dawk it-transazzjonijiet huma eċċessivament kbar. Peress li l-varjazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien għandhom tendenza li jwasslu għal varjazzjonijiet kbar fit-tul tal-prezzijiet tal-assi, dawn jistgħu jiddevjaw ukoll mill-iżvilupp tal-ekonomija reali (16). Uħud minn dawn it-transazzjonijiet finanazjarji ġew imsejħa wkoll soċjalment inutli minn Lord Turner.

4.1.1   Għalhekk, skont il-KESE, l-ewwel għan ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji għandu jkun li tinbidel l-imġiba attwali fis-settur finanzjarju billi jitnaqqsu t-transazzjonijiet finanzjarji spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien. It-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien jirrappreżentaw il-maġġoranza taż-żieda fl-attività tas-settur finanzjarju fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21. Is-settur finanzjarju għandu jerġa' jerfa' r-responsabbiltajiet permanenti tiegħu għall-ekonomija reali.

4.1.2   Fir-rapport tiegħu, il-Fond Monetarju Internazzjonali jsemmi l-effetti ta' mġiba ta' TTF, iżda bħala element negattiv. Fost l-aspetti negattivi msemmija hemm imniżżel li dan mhuwiex mod kif tiġi ffinanzjata sistema futura ta' riżoluzzjoni. Dan qatt ma kien objettiv ta' TTF. Oġġezzjoni oħra hija li huwa aħjar li jiġu intaxxati direttament dawk it-transazzjonijiet li preferibbilment għandhom jonqsu. Dan huwa eżattament x'jiġri meta t-TTF tolqot lit-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien b'intensità kbira.

4.1.3   Tnaqqis fil-volum tal-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien inaqqas ukoll is-sehem tiegħu tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan ifisser sehem miżjud ta' attivitajiet oħra, bħal pereżempju dik ta' intermedjarju bejn min ifaddal u min jissellef. Is-settur finanzjarju mhuwiex għan aħħari fih innifsu, iżda strument biex jinkisbu għanijiet oħra fl-ekonomija. Settur finanzjarju effiċjenti jalloka t-tfaddil għall-aħjar użu tagħhom għall-investimenti fl-ekonomija reali.

4.1.4   L-attivitajiet bankarji tradizzjonali huma bbażati fuq is-self lin-negozji u lill-familji, fejn il-profitti huma ġġenerati mid-differenza fir-rati ta' interessi. Biex jappoġġjaw il-konsumaturi tagħhom, il-banek jgħinuhom jagħmlu l-flus fis-swieq kapitali, jipproteġu u jkopru l-iskoperturi tal-valuti u tal-komoditajiet marbutin man-negozji internazzjonali u jagħmlu wkoll hedging tal-futures komoditarji marbutin mal-biedja. Billi jipprovdu dawn is-servizzi, il-banek jikkumpensaw għar-riskji tagħhom stess meta jagħmlu transazzjonijiet ma' banek oħra, ġeneralment f'ħin reali. Is-servizz għall-konsumaturi jista' jinvolvi għadd ta' transazzjonijiet fuq medda ta' żmien qasira ħafna. Barra minn hekk, il-banek jagħmlu wkoll profitti mill-bejgħ u x-xiri tat-titoli u d-derivattivi fejn jintużaw flus il-bank stess. Dan kollu m'għandux jiġi eliminat mis-suq finanzjarju peress li parzjalment dan jirrappreżenta l-kummerċ interbankarju biex tkun assigurata l-likwidità. Iżda jekk TTF tnaqqas sew dan il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien tat-titoli u d-derivattivi, din ser tnaqqas ukoll il-profitti fis-settur finanzjarju, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-bonusijiet u d-dħul mit-taxxa. L-attivitajiet bankarji tradizzjonali bilkemm ser jiġu affettwati u l-profitti futuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji ser ikunu aktar baxxi u jiddependu l-aktar fuq l-attivitajiet tas-servizzi bankarji tradizzjonali.

4.1.5   Jeżistu fehmiet differenti ħafna fil-letteraturi, iżda effett jista' jkun tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet tal-assi. Permezz ta' inqas azzjonijiet spekulattivi, il-prezzijiet tal-assi jistgħu jsiru aktar stabbli. Il-fehma alternattiva hija li l-kummerċ okkażjonali jista' jkun instabbli u jsir kif ġie ġie mingħajr l-effett li jtaffi tal-volum.

4.1.6   Permezz ta' sinteżi tal-effetti potenzjali ta' TTF fuq l-imġiba ta' istituzzjonijiet finanzjarji differenti aħna nixtiequ nenfasizzaw li dawn il-bidliet jistgħu jnaqqsu l-kummerċ bi frekwenza għolja. Id-diffikultajiet finanzjarji l-ġodda matul l-2010, kif ukoll it-tiftix tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-UE għal metodi ta' finanzjament għal kriżijiet finanzjarji futuri m'għandhomx itellfuna din l-opportunità għal titjib tas-settur finanzjarju.

4.2   L-objettiv ewlieni l-ieħor ta' TTF huwa d-dħul pubbliku. TTF ser tiġbor ammont konsiderevoli ta' dħul. Id-diskussjoni dwar għalxiex għandu jintuża dan id-dħul il-ġdid tinvolvi appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-finanzjament tal-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew l-aġevolar tal-piż fuq il-finanzi pubbliċi maħluqa mill-kriżi finanzjarja. Wara d-diskussjonijiet politiċi reċenti fi ħdan l-UE, x'aktarx l-użu jkun bħala sors ta' dħul pubbliku.

4.2.1   Skont il-Kummissjoni ġie approvat appoġġ finanzjarju sa 30 % tal-PDG tal-UE. Bl-esklużjoni tal-garanzija dan jitla' għal 13 %. Dan il-persentaġġ irid jiġi rduppjat għar-Renju Unit. Meta nikkunsidraw din l-ispiża pubblika involuta biex is-settur finanzjarju jegħleb din il-kriżi, wieħed għandu jinnota kważi nofsha ma ntużatx u li parti kbira minnha ser titħallas lura aktar 'il quddiem. It-13 % japplika għall-kontribut kapitali (ekwità bankarja), xiri ta' assi u appoġġ dirett. Jidher li bosta mill-garanziji lanqas biss jintużaw.

4.2.2   Id-dħul mit-TTF għall-bidu jista' jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż li jkun fadal. Fejn l-akbar ammonti tal-flejjes pubbliċi kellhom jintużaw biex jiġu salvati l-banek, l-akbar dħul ukoll għandu jinġabar minn TTF minħabba l-konċentrazzjoni tas-suq finanzjarju. Iżda t-total tal-ispejjeż pubbliċi kien ħafna ogħla inklużi t-telf tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-ispejjeż tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, pagamenti ogħla tar-rata ta' interessi fuq is-self pubbliku, eċċ. Anki l-Fond Monetarju Internazzjonali jgħid li l-ogħla spejjeż fiskali, ekonomiċi u soċjali tal-kriżi finanzjarja jissuġġerixxu kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għad-dħul ġenerali lil hinn mill-kopertura tal-ispejjeż fiskali tal-appoġġ dirett (17).

4.2.3   Fil-futur it-TTF għandha titqies minflok bħala sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku. Minħabba li s-servizzi finanzjarji huma eżentati mill-VAT biex l-utenti tas-servizzi bankarji jħallsu inqas taxxa għas-servizzi finanzjarji milli għall-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħra, kif ukoll minħabba l-profitti kbar fis-settur finanzjarju, jidher li huwa speċjalment ġustifikat li dan is-settur jiġi ntaxxat aktar.

4.2.4   Skont studju li sar mill-OECD, fl-2011, l-Istati Uniti ser ikunu responsabbli għal kważi nofs id-defiċit pubbliku tal-pajjiżi kollha tal-OECD. Fl-istess sena, id-defiċit baġitarju bħala persentaġġ tal-PDG huwa maħsub li ser ikun madwar 6 % fiż-żona tal-euro. L-isfidi reali mhumiex biss fil-pajjiżi fiż-żona tal-euro, bħall-Greċja, iżda wkoll fir-Renju Unit fejn huwa maħsub li ser ikun ta' madwar 12 %.

4.2.5   Alternattiva għal TTF diskussa fir-rapport preliminari tal-Fond Monetarju Internazzjonali hija t-Taxxa fuq l-Attività Finanzjarja (TAF) li tiġi applikata fuq profitti u remunerazzjonijiet. Din hija mod sempliċi kif jiġu ntaxxati l-attivitajiet finanzjarji, iżda l-aktar differenza importanti meta mqabbla mat-TTF hija li t-TAF tintaxxa kull tip ta' attività mingħajr l-ebda effetti differenti fuq transazzjonijiet fit-tul u dawk fuq medda qasira ta' żmien. Din hija biss mod kif jiżdied id-dħul mit-taxxi li ġejjin mill-banek.

4.2.6   Anki b'rata uniforma ta' taxxa, it-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji fuq inizjattiva tagħhom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà. Għalkemm huwa importanti li wieħed jikkonċentra fuq kif TTF ser tkun l-aktar effiċjenti possibbli bħala strument għas-settur finanzjarju, għandha titqies ukoll l-inċidenza tat-taxxa. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (18) hemm imniżżel li sorsi innovattivi ħafna drabi huma meqjusa li għandhom il-vantaġġ li jiġu politikament aċċettati aktar, b'mod partikolari fejn il-piż fiskali jiġi impost fuq gruppi jew setturi li huma kkunsidrati li attwalment mhux qed jerfgħu s-sehem ġust tagħhom tal-piż fiskali.

4.2.7   Il-Parlament Ewropew staqsa lill-Kummissjoni biex “telabora, biżżejjed minn qabel is-Samit tal-G20 li jmiss, valutazzjoni tal-impatt ta' taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li tesplora kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi” (19). Bl-istess mod, il-KESE jista' jara bosta aspetti tekniċi tat-TTF li jridu jiġu studjati. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal imressaq mill-Kummissjoni (20) ma jissodisfax bis-sħiħ il-proposti mill-Parlament Ewropew. Għalhekk il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt kompleta flimkien ma' proposta formali għal TTF.

5.   Strutturar

5.1   Kamp ta' applikazzjoni

5.1.1   Il-bażi fiskali m'għandhiex tikkonsisti biss fi transazzjonijiet internazzjonali iżda fit-transazzjonijiet finanzjarji kollha. Anki jekk il-kelma “kollha” tiġi użata, hemm limitu f'ħafna mill-kalkoli jew għat-tip ta' transazzjonijiet koperti jew għall-valur tat-transazzjoni li trid tiġi ntaxxata. Fl-istudju li sar mis-CEPR/PERI ġew studjati diversi bażijiet fiskali. Fl-istudju tal-WIFO ntgħażel varjant li jinkludi kollox.

5.1.2   Wieħed mill-kriterji għall-għażla ta' transazzjonijiet li għandhom jiġu ntaxxati għandu jiffoka fuq dawk li huma fuq l-iqsar medda ta' żmien. Punt tat-tluq ieħor huwa li jkollha kamp ta' applikazzjoni l-aktar wiesa' possibbli. It-tielet aspett hu jekk għandhiex tkun immirata lejn swieq nazzjonali jew tinkludi wkoll dawk barranin.

5.1.3   Jekk jiġu inklużi kemm it-transazzjonijiet nazzjonali kif ukoll dawk barranin, din tkun tkopri t-transazzjonijiet finanzjarji kollha. Ix-xewqa li ma tinħoloqx distorsjoni fl-ekonomija reali tista' tkun argument biex jiġu esklużi t-transazzjonijiet fil-pront.

5.1.4   Li ma jiġux inklużi t-transazzjonijiet kollha ser ikollu xi effetti fuq is-sitwazzjoni kompetittiva għal transazzjonijiet differenti. Dawn l-effetti huma mixtieqa jekk dawn iqiegħdu piż akbar fuq it-transazzjonijiet spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien milli fuq transazzjonijiet nonspekulattivi fuq medda twila ta' żmien. Dan fil-fatt ser ikun il-każ peress li iktar ma jkunu frekwenti t-transazzjonijiet iktar din it-taxxa ser tolqothom.

5.1.5   L-użu tal-valur kunċettwali ta' transazzjoni finanzjarja bħala l-bażi għal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ġie kkritikat li huwa bażi kważi fittizja. Il-flus li fil-fatt jirċievu l-istituzzjonijiet finanzjarji mill-kummerċ fid-derivattivi, il-ħlas, il-primjum jew kwalunkwe spiża għax-xerrejja, jistgħu jiġu intaxxati bħala alternattiva għal TTF. L-iżvilupp tat-transazzjonijiet finanzjarji li użaw valuri kunċettwali relatati mal-PDG, huwa, għallinqas fil-fehma tal-KESE, l-aktar miżura utli partikolarment biex turi l-bidliet fiż-żmien tal-volumi skambjati fis-suq finanzjarju.

5.2   Kamp ta' applikazzjoni ġeografiku

5.2.1   It-TTF għandha tkun nazzjonali, reġjonali (għall-UE) jew dinjija? Mingħajr dubju taxxa globali hija ppreferuta. Jekk dan mhuwiex possibbli, żgur li hemm każ biex din tkun tkopri l-UE kollha. Iżda xorta hemm eżempji li juru li anki taxxa nazzjonali hija possibbiltà, b'mod partikolari għal pajjiżi b'settur finanzjarju kbir. Wieħed jista' jistenna li din ikollha effetti kbar fuq fejn iseħħ il-kummerċ. Madankollu l-esperjenza turi li din ma tidhirx li hija problema (21).

5.2.2   L-introduzzjoni ta' taxxa fuq l-assi dejjem tnaqqas il-valur tal-assi, iżda din taffettwa fejn iseħħ il-kummerċ? Studju kkalkula li l-bolla fir-Renju Unit ta' 0,5 % fuq l-ekwitajiet u xi bonds naqqset l-introjtu b'20 % u għalhekk ma jistax jingħad li dan id-dazju naqqas il-kummerċ f'Londra (22).

5.3   Ir-rata tat-taxxa

5.3.1   Ġew proposti livelli differenti għar-rata tat-taxxa, bejn 0,1 u 0,01 %. Dik li l-iktar tissemma hija ta' 0,05 %. B'sistema globali, aħna nirrakkomandaw TTF b'rata tat-taxxa bħal din. Din ir-rata hija tant baxxa li tista' tiġi introdotta mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jkun hemm effetti kbar fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien tant li jitgħawweġ il-funzjonament tas-suq finanzjarju. Jekk tiġi introdotta TTF bħala sistema Ewropea, għandha tiġi kkunsidrata rata aktar baxxa.

5.3.2   Bi mġiba mibdula fis-settur finanzjarju li tiddependi aktar fuq elementi fundamentali fit-tul, u fl-istess ħin fuq dħul pubbliku miżjud, it-TTF għandha dak li jissejjeħ dividend doppju. Iżda huwa wkoll evidenti li iktar ma tkun għolja r-rata tat-taxxa, ikbar ikun l-effett fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien skambjati u b'konsegwenza, iżgħar ikun id-dħul. Għalhekk għandha tinstab rata tat-taxxa li twassal għal bilanċ bejn iż-żewġ objettivi tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – bidla fl-imġiba u fid-dħul tat-taxxa.

5.3.3   L-eżempji kollha mid-dinja reali juru li t-taxxi u l-imposti oħra dejjem kienu tqiegħdu fuq xi transazzjonijiet finanzjarji – iżda mhux fuq kollha. Meta taxxa tiġi applikata għat-transazzjonijiet kollha wieħed ma jistax ikun jaf l-effetti tagħha minn qabel. Għalhekk ir-rata tat-taxxi tkun trid terġa' tiġi evalwata pereżempju wara tliet snin sabiex jiġi eżaminat jekk din għandhiex togħla jew titbaxxa.

5.4   Fattibiltà

5.4.1   Kwistjoni ta' natura oħra hija dwar kemm hu faċli tinġabar din it-tip ta' taxxa. Il-biċċa l-kbira tat-transazzjonijiet li din it-taxxa hija proposta għalihom diġà huma kompjuterizzati. Dan ifisser li prattikament mhemm l-ebda spiża amministrattiva, teknika jew ekonomika biex tiġi introdotta din it-taxxa. Ovvjament irid jiġi żviluppat programm speċjali tal-kompjuter. Diġà qed isiru xi testijiet.

5.4.2   Jeħtieġ li jiġu vverifikati l-ħolqien u l-eżistenza ta' prodotti finanzjarji innovattivi li mhumiex intaxxati jew li huma deliberatament maħluqa biex jevitaw it-tassazzjoni. Dawn iridu jiġu inklużi fil-bażi tat-taxxa.

5.4.3   S'issa għad mhemmx suq kompjuterizzat għat-transazzjonijiet mhux regolati. F'dan ir-rigward qiegħda titħejja leġislazzjoni tal-UE. Il-ħtieġa li jiġi inkluż suq mhux irregolat fil-kummerċ organizzat juri li r-regolament u t-taxxi bħalma hi t-taxxa fuq it-TFF huma komplementari u mhux alternattivi.

6.   Effetti

6.1   Tnaqqis tat-transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien

6.1.1   Ma hemm l-ebda stimi preċiżi ta' kemm il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien jista' jiġi affettwat minn taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Nistgħu biss nassumu. Hemm problema reali meta tiġi diskussa t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Għalhekk m'għandna l-ebda statistika għall-iskop prinċipali tat-tnaqqis tal-kummerċ finanzjarju fuq medda qasira ta' żmien. L-uniċi stimi ta' statistika li għandna huma għall-ammont possibbli tad-dħul tat-taxxa.

6.1.2   Wieħed mill-effetti tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji hu li din tnaqqas empirikament il-likwidità. Iżda x'inhu l-aħjar ammont ta' likwidità? L-ekonomiji kienu jrendu aħjar milli kienu rendew fl-1990 jew l-2000 bil-likwidità għolja immens li kienet teżisti fl-2007? Il-likwidità hija ekwivalenti għall-ammont totali tat-transazzjonijiet finanzjarji? Ir-risposta għandha tkun “le” meta bosta minn dawk it-transazzjonijiet huma bbażati fuq l-istess titoli u għalhekk l-ammont totali tat-transazzjonijiet ma jistax ikun stima tajba ħafna tal-likwidità “reali”. Jekk nerġgħu nikkunsidraw l-iskop ewlieni tas-settur finanzjarju bħala medjatur finanzjarju, jidher li huwa relevanti li nallinjaw il-likwidità għal-livell tal-PDG. Mingħajr m'għandna opinjoni dwar kemm għandu jkun kbir it-tnaqqis eżattament, għandu jkun ċar li l-bidla għandha ssir fid-direzzjoni tat-tnaqqis tal-likwidità mil-livell tal-2007.

6.1.3   Peress li TFF tolqot l-agħar lit-transazzjonijiet l-aktar frekwenti għandu jkun hemm ukoll, apparti tnaqqis fin-numru ta' transazzjonijiet, bidla bejn it-transazzjonijiet fuq medda twila ta' żmien u dawk fuq medda qasira. Raġuni li ngħatat kontra taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji hi li din tista' żżid in-nuqqas ta' trasparenza tas-suq finanzjarju peress li t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien ikunu inqas frekwenti. Minħabba l-livell attwali ta' dawn it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien, lanqas tnaqqis kbir mhu ser jelimina it-transazzjonijiet minn jum għal jum kollha. Ma jistax jingħad li dan l-aspett tas-settur finanzjarju ma kienx trasparenti pereżempju fis-sena 2000.

6.1.3.1   Kif ġie deskritt fl-istudju tal-WIFO, l-użu miżjud tad-derivattivi wassal għal żieda kbira żżejjed fil-prezzijiet fuq medda qasira ta' żmien kif ukoll f'dawk fuq medda twila. Użu mnaqqas ta' derivattivi bi sfond bħal dan jista' jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-suq finanzjarju, iżda mhux bil-maqlub kif ġieli ngħad.

6.1.3.2   Il-kummerċ finanzjarju huwa distribwit kważi indaqs bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Ma jeżistux ċifri bħal dawn għad-distribuzzjoni bejn it-transazzjonijiet fuq medda qasira u twila ta' żmien.

6.2   L-ammont tad-dħul pubbliku

6.2.1   L-istudju tal-WIFO jassumi li l-volum tat-transazzjonijiet, li huwa ntaxxat, ser jitnaqqas b'65 % jekk ir-rata tat-taxxa tkun 0,05 %. Rata tat-taxxa iktar baxxa hija kkalkulata biex twassal għal inqas tnaqqis fit-transazzjonijiet, u rata ogħla biex twassal għal iżjed tnaqqis.

6.2.1.1   Skont dan l-istudju, jekk taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tiġi applikata biss għar-Renju Unit, din ser twassal għal dħul mit-taxxa ta' kważi 7 % tal-PDG tiegħu. Fil-Ġermanja, il-pajjiż tal-UE bl-akbar sehem ta' dawn it-transazzjonijiet finanzjarji wara r-Renju Unit, id-dħul ikun ftit iktar minn 1 % tal-PDG. Jekk tiġi applikata madwar l-UE, id-dħul mit-taxxa ser ikun madwar 1,5 % tal-PDG, fejn il-biċċa l-kbira tad-dħul ikun ġej mis-suq finanzjarju tar-Renju Unit. Jekk tiġi applikata mad-dinja kollha, id-dħul mit-taxxa jkun madwar 1,2 % tal-PDG dinji.

6.2.2   Fl-istudju tas-CEPR/PERI, l-alternattivi għal kemm ser jitnaqqas il-kummerċ huma bejn 25 % u 50 %. Sabiex ikunu kumparabbli maċ-ċifri mogħtija fl-istudju tal-WIFO, aħna qed nagħtu biss ċifri għal tnaqqis ta' 50 % tal-bażi tat-taxxa. Iċ-ċifri f'dan l-istudju huma mogħtija għal tipi separati ta' assi skambjati. Iċ-ċifri għad-dollaru tal-Istati Uniti f'dan l-istudju huma mibdula f'ishma tal-PDG tal-Istati Uniti.

Stokks u ekwitajiet 0,75 %

Bonds 0,18 %

Għażliet 0,03 %

Transazzjonijiet fil-pront fil-valuta barranija 0,05 %

Futures 0,05 %

Swaps 0,16 %

TOTAL 1,23 %

6.2.3   Iż-żewġ studji jagħtu riżultati li huma bejn wieħed u ieħor l-istess kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Istati Uniti. Mill-istudju tas-CEPR/PERI nistgħu naraw ukoll li t-transazzjonijiet fil-pront jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tat-total tat-transazzjonijiet.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Data mill-Bank for International Settlements (BIS).

(2)  Ir-rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318/11, 23.12.2009, p. 57.

(3)  Kumpanija ta' servizzi finanzjarji fuq livell dinji.

(4)  Stephan Schulmeister, A General Financial Transaction Tax (Taxxa ġenerali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji), WIFO Working Papers 344/2009.

(5)  Bank for International Settlements (BIS); f'Davas/ von Weizsäcker, Financial Transaction Tax: Small is Beautiful (It-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji: iż-żgħir huwa sabiħ), 2010

(6)  Ibid. FN 5.

(7)  H.W. Sinn waqt preżentazzjoni tar-Rapport Ekonomiku għall-2010 tal-Grupp Konsultattiv Ekonomiku Ewropew, 23.2. 2010, Brussell

(8)  Helene Schubert, Bank Nazzjonali tal-Awstrija.

(9)  Ir-rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318/11, 23.12.2009, p. 57

(10)  Ara ECO/268 - CESE 100/2010: Is-superviżjoni makroprudenzjali u mikroprudezjali ĠU C 318/11, 23.12.2009, p.57

(11)  L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu - ĠU C 277/25, 17.11.2009, p. 117

“Prospett li għandu jiġi ppubblika meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ” u “L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat”, ĠU C….

(12)  Tobin, James: A Proposal for International Monetary Reform (Proposta għar-riforma tas-sistema monterja internazzjonali), 1978

(13)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010: “L-UE għandha tkun minn ta' quddiem fit-tmexxija tal-isforzi sabiex jiġi stabbili approċċ globali għall-introduzzjoni ta' sistemi għal imposti u taxxi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji bil-għan li jinżamm livell ugwali madwar id-dinja kollha, u ser tiddefendi bis-sħiħ din il-pożizzjoni mal-imsieħba tagħha tal-G20. L-introduzzjoni ta' taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji għandha tiġi esplorata u żviluppata aktar f'dak il-kuntest.” (traduzzjoni provviżorja).

(14)  Stephan Schulmeister, A General Financial Transaction Tax, WIFO Working papers 344/2009.

(15)  Baker, Pollin, McArthur, Sherman: The Potential Revenue from Financial Transactions Taxes. CEPR/PERI, December 2009

(16)  Ibid. nota 14 f'qiegħ il-paġna…

(17)  IMF, “A fair and substantial contribution by the financial sector” (Kontribut ekwu u sostanzjali mis-settur finanzjarju). Rapport intermedju għall-G20.

(18)  SEC(2010) 409 Dokument Finali ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Finanzjament innovattiv f'livel globali (traduzzjoni provviżorja).

(19)  PE432.992v01-00 Mozzjoni għal riżoluzzjoni.

(20)  SEC(2010) 409 Finali

(21)  Wieħed jista' jsib dazji tal-istess tip fil-Korea t'Isfel, Hong Kong, l-Awstralja, it-Tajwan u l-Indja u xi dazji simili oħra fil-Belġju, l-Arġentina u l-Brażil.

(22)  The Institute for Fiscal Studies 2002: Stamp duty on share transactions: is there a case for change? (L-Istitut għall-Istudji Fiskali 2002: Id-dazju tal-bolla fuq it-tranazzjonijiet azzjonarji: hemm bżonn ta' bidla?) Kummentarju 89


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin ġew irrifjutati mis-sessjoni plenarja iżda ġabru mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa:

Punt 1.10 – Emenda 1 mressqa mis-Sur Sartorius

Ibdel kif ġej:

“1.10

It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta' dħul jista' jintuża Dan jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta' żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku.”

Raġuni:

There are Member States which have not used public funds to save banks and where the banks have therefore not been a burden on public finances. Nonetheless, it would be advisable to make provision for future crises, and clearly financial institutions should contribute to this fund which would be used exclusively to ensure that the failure of an insolvent institution is managed in an orderly way and does not destabilise the entire financial system.

Punt 4.2 - Emenda 4 mressqa mis-Sur Sartorius

Ħassar l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi u ibdilhom bit-test ġdid propost għal punt 1.10:

“4.2

Wara d-diskussjonijiet politiċi reċenti fi ħdan l-UE, x'aktarx l-użu jkun bħala sors ta' dħul pubbliku.”

Raġuni

See reason for amendment to point 1.10.

Punt 4.2.3 - Emenda 5 mressqa mis-Sur Sartorius

Żid sentenza ġdida fl-aħħar tal-punt:

“4.2.3

Fil-futur it-TTF għandha titqies minflok bħala sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku. Minħabba li s-servizzi finanzjarji huma eżentati mill-VAT biex l-utenti tas-servizzi bankarji jħallsu inqas taxxa għas-servizzi finanzjarji milli għall-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħra, kif ukoll minħabba l-profitti kbar fis-settur finanzjarju, jidher li huwa speċjalment ġustifikat li dan is-settur jiġi ntaxxat aktar.

Raġuni

It is generally accepted in relation to the management of public finances that, if the sole objective is to raise money, taxing transactions between companies is not to be recommended because of its potentially negative impact. It is better to tax the profit on transactions, as taxing the transactions themselves can have a cascade effect, driving up prices. There are more effective money-raising instruments.

Dawn it-tliet emendi t'hawn fuq ġew ivvutati flimkien.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

52

Voti kontra

:

91

Astensjonijiet

:

9

Punt 1.11 - Emenda 2 imressqa mis-Sur Sartorius

Ħassar l-aħħar sentenza:

“1.11

It-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji għalihom infushom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà.

Raġuni

This is an unsubstantiated assertion. The financial sector contributes to tax revenue like any other sector. Which sector is the rapporteur comparing it with? Where are the figures to support this assertion?

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

65

Voti kontra

:

102

Astensjonijiet

:

10

Punt 1.16 – Emenda 3 mressqa mis-Sur Sartorius

Żid punt ġdid wara l-punt 1.16:

“1.17

Raġuni

This is a fact which needs to be stated in the opinion. The tax will have a negative impact on the financing of the real economy at a very critical time.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

62

Voti kontra

:

116

Astensjonijiet

:

4

It-test mill-opinjoni tas-Sezzjoni li ġie rrifjutat u minfloku ntagħżlet emenda adottata mill-assemblea b'mill-inqas kwart tal-voti mitfuqgħa favur iż-żamma tat-test tal-opinjoni tas-Sezzjoni.

Punt 5.3.1 - Emenda 8 mressqa mis-Sur Nyberg

Immodifika l-punt kif ġej:

“5.3.1

Ġew proposti livelli differenti għar-rata tat-taxxa, bejn 0,1 u 0,01 %. Dik li l-iktar tissemma hija ta' 0,05 %. ħna nirrakkomandaw TTF b'rata tat-taxxa bħal din. Din ir-rata hija tant baxxa li tista' tiġi introdotta mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jkun hemm effetti kbar fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien tant li jitgħawweġ il-funzjonament tas-suq finanzjarju.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

102

Voti kontra

:

52

Astensjonijiet

:

15


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/15

Relatur: is-Sur JANSON

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, li kienet responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fil-5 ta’ Mejju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’143 vot favur, 15-il vot kontra u 19-il astensjoni.

1.   Sommarju

1.1   Id-dimensjoni soċjali hija element essenzjali tas-suq intern u għandha diversi aspetti Fost affarijiet oħra, din l-opinjoni tittratta l-aspetti ekonomiċi u legali. Żviluppi reċenti qajmu mistoqsijiet dwar il-kapaċità tad-dimensjoni soċjali li tipproteġi l-ħaddiema. Is-suq intern ma jistax jaħdem tajjeb mingħajr dimensjoni soċjali b’saħħitha u mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini.

1.2   Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-UE għandha rwol importanti x’taqdi fil-kamp soċjali minħabba li l-problemi soċjali ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom. Sabiex jinħolqu l-aċċettazzjoni politika, is-solidarjetà u l-koerenza, l-UE għandha titfa’ aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali tal-politiki tagħha.

1.3   Numru ta’ żviluppi negattivi, fost fatturi oħra, poġġew id-dimensjoni soċjali fil-periklu. L-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja l-aktar sfida serja tagħha f’għexieren ta’ snin. Tħallew jikbru l-hekk imsejħa bżieżaq finanzjarji filwaqt li l-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-valutazzjonijiet tradizzjonali tar-riskju tħallew fil-ġenb. B’riżultat ta’ dan żdied il-qgħad, u s-swieq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali ser ikomplu jmorru lura. Għalhekk, il-qgħad għandu jibqa’ fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. L-Ewropa teħtieġ tkabbir sostenibbli u rata għolja ta’ okkupazzjoni flimkien ma’ suq tax-xogħol ta’ kwalità għolja sabiex tiffinanzja s-sistemi tas-sigurtà soċjali.

1.4   Matul l-aħħar għaxar snin, is-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu l-mira ta’ riformi bil-ħsieb li jippromovu aktar inċentivi effettivi tax-xogħol fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, sabiex jissaħħaħ il-valur tax-xogħol u n-nies jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Madankollu, wieħed mir-riżultati kien li żdiedet l-inugwaljanza u minħabba f’hekk kibru l-problemi soċjali. Is-sistemi tal-impjieg u s-sigurtà soċjali huma kruċjali sabiex jittaffu l-faqar u mingħajr il-benefiċċji soċjali ż-żieda fl-inugwaljanza u l-impatt soċjali tal-kriżi jkunu aktar mgħaġġla u serji. Id-deterjorament tal-finanzi nazzjonali f’ħafna Stati Membri, li wassal għal kriżi tad-dejn sovran attwali jew potenzjali, qed jagħmel pressjoni konsiderevoli fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali. Attività ekonomika msaħħa u sostenibbli, ir-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-investimenti fir-riċerka u l-edukazzjoni huma xi wħud mis-soluzzjonijiet potenzjali għal din il-problema.

1.5   Is-suq intern huwa qasam fejn kemm id-dimensjoni soċjali kif ukoll dimensjonijiet oħra jistgħu jesprimu ruħhom. Biex jiffjorixxu, iridu jinħolqu tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli li min-naħa tagħhom jiġġeneraw dħul fiskali li jkun il-bażi għall-benefiċċji soċjali. Il-livelli tal-qgħad u l-iżbilanċji fiskali juru li hemm ħafna li jista’ jsir biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali.

1.6   Inxteħet id-dubju fuq l-aspetti legali tad-dimensjoni soċjali għax id-deċiżjonijiet tal-QĠE f’erba’ każijiet (Viking, Laval, Rüffert u Luxemburg) wasslu għal dibattitu mqanqal b’mod partikolari fiċ-ċrieki politiċi u akkademiċi dwar biżgħat potenzjali ta’ riskju dejjem jiżdied ta’ dumping soċjali. Il-Parlament Ewropew, id-dinja akkademika u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-impjegati (1) esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-deċiżjonijiet. Xi wħud oħrajn huma konvinti li d-deċiżjonijiet tal-QĠE f’dawn il-każijiet ser jikkontribwixxu għal tħaddim aħjar tas-suq intern.

1.7   Għalhekk il-KESE jitlob li:

 

Fil-perijodu l-qasir, il-KESE jappella sabiex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Il-KESE jipproponi li l-idea tal-ħolqien ta’ “Interpol Soċjali Ewropew” tiġi esplorata, b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Ispettorati tax-Xogħol tad-diversi Stati Membri.

 

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fl-UE fid-dawl tad-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB).

 

Il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha mill-Kummissjoni li jsaħħu d-djalogu soċjali, fosthom:

il-promozzjoni ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità ogħla u mekkaniżmu Ewropew għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim u l-konċiljazzjoni;

l-iżvilupp ta’ djalogu makroekonomiku bil-ħsieb li tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra;

il-promozzjoni tal-mudell soċjali Ewropew fir-relazzjonijiet internazzjonali.

 

Fil-perijodu l-medju, il-KESE jappoġġja inizjattiva tal-Kummissjoni li tiċċara l-obbligi legali għall-awtoritajiet nazzjonali, l-intrapriżi u l-ħaddiema hija u timplimenta d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u li tiżgura li dawn ir-regoli jkunu applikabbli b’mod universali. Il-KESE jqis il-proposta fir-rapport ta’ Monti, fejn id-dritt għall-istrajk huwa eżentat mis-suq intern, bħala waħda interessanti u jemmen li dan jista’ jsolvi xi wħud mill-problemi. Madankollu, dan m’għandux jeskludi reviżjoni parzjali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sabiex il-prinċipju tal-post tax-xogħol jiġi applikat b’mod konsistentili jagħmilha possibbli li l-liġi tistabbilixxi li l-istess kondizzjonijiet ta’ xogħol u ħlas għandhom japplikaw għall-istess xogħol fl-istess post.

 

Fil-perijodu iktar fit-tul, l-Unjoni Ewropea għandha tistinka sabiex issaħħaħ id-dimensjoni soċjali u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tas-suq intern. It-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta mehmuża tad-Drittijiet Fundamentali għadhom ma kellhomx l-impatt sħiħ fuq il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi. It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali jirrikjedi li jissaħħu d-drittijiet soċjali fundamentali u li kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinkludu d-drittijiet soċjali jkunu ferm restrittivi. Jista’ jkun hemm tibdil fit-trattat biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.   Is-suq intern u d-dimensjoni soċjali

2.1   Fl-1987, il-KESE adotta opinjoni (2) dwar l-aspetti soċjali tas-suq intern. Il-KESE ppropona li l-Komunità Ewropea tiżgura numru ta’ drittijiet soċjali bażiċi marbuta mas-suq tax-xogħol. Huwa ried jiżgura li s-suq intern li kien tnieda reċentement ma jwassalx għal distorsjonijiet tas-suq, kif ukoll sabiex ikun enfasizzat li l-Komunità kellha wkoll miri soċjali. Id-dimensjoni soċjali tinkludi leġislazzjoni u ftehimiet li jkunu saru fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-impjegati jgawdu ċerti drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, dan jeħtieġ ukoll kooperazzjoni għall-finijiet tal-impjieg fl-UE.

2.2   Wara dik l-opinjoni, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat numru ta’ dokumenti li kienu l-bidu tal-iżvilupp ta’ interpretazzjoni aktar wiesgħa u profonda tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern (3). Skont il-Kummissjoni, id-dimensjoni soċjali tas-suq intern hija parti fundamentali ta’ dan il-proġett, minħabba li hija mhux biss mod kif jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u tikber il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, iżda wkoll tal-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi kollha disponibbli u mod kif jintlaħaq tqassim ġust tal-vantaġġi li joħorġu mis-suq uniku (4).

2.3   Fl-1989, il-KESE kien il-fulkru li wassal għat-tħejjija tal-kontenut tal-Kapitlu Soċjali li ta lill-ħaddiema d-drittijiet fundamentali soċjali li ma setgħux jiġu mhedda minħabba l-pressjoni tal-kompetizzjoni jew l-għan ta’ iżjed kompetittività. Fil-fehma tal-KESE, l-eżerċizzju ta’ drittijiet daqshekk fundamentali jassumi li m’hemm l-ebda restrizzjoni mingħajr ġustifikazzjoni.

2.4   Din l-opinjoni tipprova tiġbor xi wħud mill-iktar żviluppi reċenti importanti li jolqtu l-possibbiltajiet li titħaddem id-dimensjoni soċjali. Tul dawn l-aħħar snin, il-KESE adotta opinjonijiet oħra li jittrattaw id-dimensjoni soċjali u parti minn din l-opinjoni tkompli tibni fuqhom (5). Dak li hu ċar sa mill-bidu nett huwa li f’ekonomija soċjali tas-suq, is-suq intern ma jistax jaħdem tajjeb mingħajr dimensjoni soċjali qawwija jew l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini Ewropej. Il-vantaġġi ta’ suq uniku li jaħdem sew huma ħafna u huma importanti għall-kumpaniji, għall-ħaddiema, għaċ-ċittadini u l-ekonomija b’mod ġenerali. Madankollu, mill-preambolu għat-trattati, jidher li s-suq uniku tfassal bħala strument biex iservi l-benesseri taċ-ċittadini, u mhux bħala għan fih innifsu.

2.5   B’hekk, hemm erba’ raġunijiet fundamentali għad-dimensjoni soċjali:

il-moviment ħieles tal-persuni;

hemm drittijiet soċjali indiviżibbli u li kull soċjetà għandha tirrispetta, u li għandha tikkonforma magħhom f’kull ħin u kull mument; dawn jinkludu d-dritt għall-azzjoni kollettiva, il-libertajiet tat-trejdjunjins u tan-negozjar kollettiv u d-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej dwar id-drittijiet soċjali u personali;

sabiex jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern u jittaffew il-konsegwenzi negattivi tiegħu, fosthom tar-ristrutturar, sabiex tinħoloq l-aċċettazzjoni tal-proġetti politiċi u ekonomiċi kif ukoll sabiex titħeġġeġ il-koeżjoni soċjali;

il-politika soċjali hija wkoll fattur importanti tal-kompetittività mtejba.

2.6   Il-“politika soċjali” hija kompetenza konġunta bejn il-livell nazzjonali u Ewropew. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet f’dan il-qasam iffokaw fuq it-twaqqif tal-moviment ħieles għall-ħaddiema kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment għall-finijiet tas-suq intern. Madankollu, id-dimensjoni soċjali bdiet issir iktar prominenti. Sussegwentement, it-trattati estendew il-votazzjoni b’maġġoranza f’oqsma bħal-leġislazzjoni għall-opportunitajiet indaqs, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għall-politiki li jgħinu lill-persuni qiegħda. Iżda l-leġislazzjoni ma kellhiex (u m’għandhiex) bażi legali sabiex tkopri oqsma bħall-pagi, id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt tal-istrajk jew li jiġu imposti lock-outs anke jekk id-deċiżjonijiet tal-QĠE u l-leġislazzjoni tal-UE jkopru dawn il-kwistjonijiet. It-Trattat ta’ Nizza fformalizza l-istatus tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-Trattat ta’ Lisbona ser ikompli jestendi d-drittijiet billi jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali vinkolanti.

2.7   Il-politiki soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-isfidi soċjali li jirriżultaw mill-iżviluppi globali jew Ewropej jaffettwaw lill-popli li joqogħdu fl-Istati Membri, u għalhekk jinħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat. L-UE indirizzat il-problema ta’ kompetenzi doppji billi użat metodi differenti. Hija ppruvat iżżomm in-normi soċjali billi ddeċidiet dwar numru ta’ standards minimi. Metodu ieħor huwa l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK). L-MMK jista’ jintuża aħjar u b’mod iktar effettiv billi juża l-approċċ li għadu dieħel ta’ “prinċipji komuni” u billi s-soċjetà ċivili organizzata titħalla tipparteċipa kemm fit-tfassil kif ukoll fin-negozjar tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona fil-livell Ewropew (6).

2.8   L-“acquis” soċjali tal-Ewropa hija ħaġa eċċezzjonali: madwar 70 direttiva u regolament ġew adottati f’dan il-qasam minn mindu nħolqot l-Unjoni Ewropea. Il-biċċa l-kbira ġew adottati mill-1985 ’l hawn. Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-UE għandha rwol soċjali importanti ħafna x’taqdi. Il-problemi soċjali ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom. Sabiex tinħoloq aċċettazzjoni politika, solidarjetà u koerenza, l-UE għandha titfa’ aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali tal-politiki tagħha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

3.   Żviluppi attwali

3.1   L-iżvilupp tal-ekonomija

3.1.1   L-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja l-aktar sfida serja tagħha f’għexieren ta’ snin. Sa mill-aħħar sitt xhur tal-2008 (7), l-ekonomija dinjija ilha għaddejja minn tnaqqis drastiku fl-attività ekonomika li qed jirriżulta ferm agħar minn dak li kien mistenni f’diversi pajjiżi. Hekk kif l-ekonomiji kienu qed juru sinjali ta’ rkupru mill-kriżi bankarja, issa jinsabu mhedda mill-kriżi tad-dejn sovran u s-severità tal-miżuri korrettivi li qed jiġu awtorizzati.

3.1.2   Il-qgħad qed jiżdied u jaggrava s-sitwazzjoni. Ir-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u l-ħtiġiet ta’ dawk li jsellfu wasslu għal tnaqqis fis-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet u t-trasferimenti soċjali. Dan ser ikompli jaggrava l-faqar u jpoġġi l-aktar gruppi vulnerabbli fi żvantaġġ, filwaqt li jagħti bidu għal ċirku vizzjuż. Madankollu, ħafna kumpaniji Ewropej li ntlaqtu mill-kriżi ħadu miżuri, flimkien mas-servizzi tal-impjieg fis-settur pubbliku, biex iżommu l-forza tax-xogħol tagħhom u b’hekk iżommu n-nies impjegati.

3.1.3   Is-sitwazzjoni splodiet f’daqqa u l-konsegwenzi nfirxu b’mod mgħaġġel – fenomenu ġdid fl-ekonomija globalizzata. Ir-raġunijiet kienu ħafna. Il-politiki monetarji u tar-rati tal-iskambju li wasslu għal likwidità eċċessiva, regolamentazzjoni insuffiċjenti jew non-eżistenti ta’ ċerti oqsma jew atturi, tfittxija għal rendiment għoli b’mod xejn realistiku flimkien ma’ fehim jew analiżi insuffiċjenti tar-riskji involuti min-naħa tal-atturi fis-suq u l-korpi superviżorji u regolatorji, dejn eċċessiv, politiki makroekonomiċi mhux koordinati biżżejjed u riformi strutturali inadegwati (8).

3.1.4   Inevitabbilment, titqajjem il-mistoqsija dwar jekk il-qafas ekonomiku attwali tal-UE, inkluż djalogu makroekonomiku insuffiċjenti, fil-fatt aggravax il-kriżi. Fost ir-riżultati kien hemm stabilizzaturi awtomatiċi mdgħajfa, splużjoni ta’ kreditu minflok pagi reali, rati ta’ tkabbir dejjem jonqsu kif ukoll anqas ċans li jkunu individwati l-bżieżaq finanzjarji. Il-KESE huwa tal-fehma li t-trasferiment tad-dejn privat (il-banek) għad-dejn pubbliku (l-Istat u ċ-ċittadini) iqiegħed piż eċċessiv fuq iċ-ċittadini, b’mod partikolari billi d-deterjorament tal-finanzi pubbliċi u l-limitazzjonijiet tal-patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir iqajmu l-mistoqsijiet dwar kif ser jiġu ffinanzjati fil-futur l-investimenti vitali fis-sistemi tas-sigurtà soċjali.

3.1.5   L-aħħar fażi tal-kriżi żvelat li ħafna Stati Membri kien qed ikollhom żbilanċji baġitarji mhux sostenibbli. L-azzjoni korrettiva meħtieġa biex jiġu restawrati l-finanzi pubbliċi ser tagħmel pressjoni enormi fuq is-sistemi fiskali, u l-politiki u l-programmi soċjali.

3.1.6   Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni qed tikkunsidra s-sussidji nazzjonali tal-Istat, anke fid-dawl tal-protezzjoni tax-xogħol, fil-qafas ta’ kuntest Ewropew usa’. Il-politika tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari rigward l-SMEs u s-sussidji tal-Istat lill-banek, bir-raġun tikkunsidra l-għan soċjoekonomiku li tinżamm sitwazzjoni b’kondizzjonijiet indaqs fl-Ewropa.

3.1.7   Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt (9) li l-persuni inkarigati mill-politika ekonomika Ewropea għarfu l-bżonn ta’ politika makroekonomika kontroċiklika biex tikkumplementa d-dipendenza tal-passat fuq il-politika ekonomika tal-miżuri min-naħa tal-provvista. Il-KESE laqa’ wkoll l-impenn ta’ ħarsien aħjar għall-iktar membri dgħajfa tas-soċjetà u għal koordinazzjoni iktar effettiva tal-politika ekonomika. Madankollu, huwa enfasizza li l-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE huwa relattivament żgħir fl-iskala meta mqabbel mal-pakketti adottati f’reġjuni oħra tad-dinja.

3.2   L-iżvilupp tas-suq intern

3.2.1   Il-KESE faħħar il-ħolqien u l-iżvilupp tas-suq intern permezz ta’ diversi opinjonijiet (10). Is-suq intern li jkopri l-Istati Membri kollha u l-pajjizi taż-żona ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa ta’ benefiċċju għall-konsumatur u l-ħaddiema minħabba li jagħti spazju regolatorju waħdieni għall-mobbiltà tal-merkanzija, il-kapital, il-persuni u s-servizzi.

3.2.2   Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-viżjoni tagħha tas-suq intern għall-futur (11). Hija tiġbed l-attenzjoni li s-suq uniku huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji, li huwa sostna l-ħolqien tal-impjiegi u stimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-oqsma prinċipali għall-futur huma:

il-konsumaturi u n-negozji, fejn is-suq uniku għandu jwassal għal riżultati u benefiċċji aħjar sabiex jirrispondu għall-istennijiet u t-tħassib tal-konsumaturi u n-negozji;

li jlaħħqu mal-globalizzazzjoni;

li l-għarfien u l-innovazzjoni jsiru l-“ħames libertà”;

dimensjoni soċjali u ambjentali fejn il-Kummissjoni twiegħed li ttejjeb l-evalwazzjonijiet tal-impatt tagħha u tantiċipa t-tibdiliet fis-suq b’mod aktar effettiv.

L-iktar nuqqas serju tas-suq intern kien li ma kienx kapaċi jistimola l-impjiegi u l-attività ekonomika bis-saħħa tal-investiment minn barra. B’mod partikolari, kien hemm nuqqas ta’ trawwim u żvilupp ta’ teknoloġija u riċerka bil-għan li titħejja l-bażi għal transizzjoni tal-ekonomija. Sakemm ma jiġix indirizzat dan in-nuqqas, l-Ewropa ser tibqa’ lura fl-ekonomija dinjija.

3.2.3   Il-KESE jappella għal bilanċ aħjar bejn l-iżvilupp soċjali, ambjent ekonomiku favorevoli u l-protezzjoni ambjentali bħala l-element kruċjali għal suq intern li jiffunzjona u l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul. Aktar ma tkun profonda l-integrazzjoni tas-suq intern, aktar isir essenzjali li jintlaħaq l-għan tat-trattat li tiġi żgurata l-benesseri taċ-ċittadini, u b’hekk aktar trid tkun tajba l-protezzjoni soċjali li tingħata. B’27 suq tax-xogħol bi tradizzjonijiet leġislattivi differenti, l-UE trid tiżgura li r-regoli għall-mobbiltà interna ma jdgħajfux sistemi li diġà jaħdmu. Jeħtieġ li jittieħdu prekawzjonijiet li jiżguraw li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fis-suq komuni tkun indirizzata lejn l-innovazzjoni u ma tkunx kontroproduttiva jew saħansitra distruttiva (12).

3.2.4   Barra minn hekk, wara l-kriżi, l-Ewropa ser tiffaċċja mewġa ta’ ristrutturar tal-kumpaniji. Il-KESE jinnota li bħalissa l-UE m’għandhiex viżjoni strateġika komuni biex jew tindirizza l-konsegwenzi negattivi ta’ dan it-tip ta’ ristrutturar jew taħtaf l-opportunità biex tagħmel l-ekonomija tal-UE iktar kompetittiva fl-ekonomija dinjija. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tadotta pożizzjoni Ewropea flimkien mal-imsieħba soċjali biex jitħarsu l-impjegati kollha kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-imsieħba soċjali Ewropej biex iwettqu studju dwar ir-ristrutturar fl-UE u jwaqqfu Pjan Direzzjonali għall-kumpaniji dwar kif jistgħu jkunu involuti b’mod effettiv fil-proċess ta’ ristrutturar.

3.2.5   Il-KESE (13) kien qal li jekk l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva fuq perijodu fit-tul, is-suq intern għandu jiżgura tkabbir sostenibbli u fit-tul, u dan ifisser li għandu wkoll iqis id-dimensjoni ambjentali. L-għan aħħari huwa li jittejjeb b’mod konsiderevoli t-tħaddim tas-suq intern fi ħdan ekonomija soċjali tas-suq, u li jkun żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet soċjali fundamentali. Il-KESE saħaq ukoll li, jekk ikun hemm bżonn u jkun adatt, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi adatti mill-iktar fis possibbli għall-ħarsien tal-ħaddiema filwaqt li jistqarr li la l-libertajiet ekonomiċi u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni m’għandhom jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet soċjali fundamentali (14). Fl-istess ħin, il-KESE jżomm quddiemu l-bżonn li jiġi xprunat il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-intraprenditorija kif ukoll il-ħolqien ta’ ekonomiji f’saħħithom u sostenibbli fl-Istati Membri.

3.2.6   Wieħed min-nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati sabiex is-suq intern iwettaq ir-rwol tiegħu huwa li tingħata iktar prominenza u ċertezza legali lis-servizzi ta’ interess ġenerali li kellhom rwol importanti bħala stabilizzaturi ekonomiċi matul il-kriżi ekonomika attwali u li tiġi żviluppata d-dimensjoni internazzjonali. Għandna bżonn nippromovu l-mudell soċjali tagħna fil-livell internazzjonali bħala fattur għall-iżvilupp u naffermaw l-identità tagħna bħala korp attiv b’appoġġ reċiproku fil-forums internazzjonali bil-għan li jiġi pprovdut qafas għall-globalizzazzjoni. Sabiex il-globalizzazzjoni tkun ġusta, l-Ewropa għandha tagħmel pressjoni għal kummerċ u globalizzazzjoni iktar ekwi fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ u ftehimiet internazzjonali oħra.

3.2.7   Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li l-mobbiltà fl-Ewropa għandha tibqa’ waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE ġibed l-attenzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom japplikaw l-arranġamenti transitorji fir-rigward tal-moviment ħieles tal-persuni sabiex isegwu l-proċeduri li joħorġu mit-Trattati u jwarrbu dawn l-arranġamenti (15).

3.3   L-iżvilupp tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

3.3.1   Minkejja xejra parzjalment pożittiva, is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi ser tkompli tmur lura, b’mod speċjali fil-kuntest tal-miżuri attwali mfassla biex isolvu l-kriżi tad-dejn sovran. Il-Kummissjoni tirrapporta li fis-sentejn li ġejjin, ir-rata ta’ nies qiegħda hija prevista li ser tiżdied għal livelli li ilna ma naraw għal bosta għexieren ta’ snin (16).

3.3.2   Fl-Istati Membri ttieħdu passi li kellhom effetti pożittivi fuq iż-żamma tal-impjiegi u ż-żamma ta’ rata tal-qgħad baxxa. Dawn jinkludu l-istimolu tal-investimenti, l-iffaċilitar tal-ftehimiet kollettivi u miżuri speċifiċi tas-suq tax-xogħol iffinanzjati minn skemi pubbliċi tal-qgħad. Xi wħud straħu fuq il-“flessibbiltà interna”, bħal diversi skemi sabiex inaqqsu n-numru ta’ sigħat maħduma abbinati mat-taħriġ. F’pajjizi oħra, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet, kien hemm sensji fuq skala kbira (17).

3.3.3   Għaldaqstant, l-impjieg għandu jkun fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. L-Ewropa teħtieġ rata għolja ta’ impjieg flimkien ma’ suq tax-xogħol ta’ kwalità għolja. Xogħol ta’ kwalità jeħtieġ intraprenditorija ta’ kwalità għolja kif ukoll investimenti fis-setturi pubbliċi u privati sabiex ikunu kompetittivi fuq livell internazzjonali. Il-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jistrieħ fuq kemm is-suq tax-xogħol Ewropew kapaċi jinkorpora ħaddiema. L-Ewropa għadha qed tiffaċċja l-ostakli biex tilħaq sitwazzjoni tal-livell massimu ta’ impjieg. Sabiex jinżammu livelli għoljin ta’ okkupazzjoni fl-Ewropa fil-ġejjieni, l-enfasi nbidlet għall-flessigurtà, il-kapaċità għall-impjieg, produttività ogħla, u edukazzjoni u taħriġ li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu stabbiliti swieq tax-xogħol iktar effettivi. Barra minn hekk, l-ogħla prijorità għandha tingħata lill-miżuri li jixprunaw l-impjiegi u l-ħolqien ta’ kumpaniji u lill-miżuri li jħeġġu l-investiment minn barra li jkun sostenibbli.

3.3.4   Matul l-aħħar għaxar snin, is-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu l-mira ta’ riformi bil-ħsieb li jippromovu aktar inċentivi effettivi tax-xogħol fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, b’konformità ma’ filosofija orjentata lejn in-naħa tal-provvista bi tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u kriterji ta’ eliġibbiltà. Huwa maħsub li miżuri bħal dawn inaqqsu l-qgħad. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom isibu bilanċ bejn li jipprovdu appoġġ biex in-nies jerġgħu jibdew jaħdmu u l-appoġġ finanzjarju fil-każ tal-qgħad.

3.3.5   Hemm ħafna dubji dwar l-effettività ta’ politiki bħal dawn. Matul l-aħħar għoxrin sena l-inugwaljanza żdiedet. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali huma kruċjali sabiex itaffu l-faqar u mingħajr il-benefiċċji soċjali ż-żieda fl-inugwaljanza u l-impatt soċjali tal-kriżi jkunu aktar mgħaġġla u serji. Hemm il-periklu li l-kriżi attwali ser tistaġna x-xejra ta’ tkabbir fl-impjiegi u t-titjib tal-koeżjoni soċjali madwar il-pajjiżi, filwaqt li fl-Ewropa taggrava xejra fuq medda twila ta’ żmien fejn l-inugwaljanza fid-dħul fl-istess pajjiż sejra għall-agħar (18).

3.3.6   Il-miżuri kontra l-kriżi f’bosta Stati Membri taw riżultati pożittivi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni (19) tirrapporta li f’ħafna pajjiżi, il-persuni qiegħda ma jirċevux appoġġ finanzjarju. F’xi każijiet dawn il-benefiċċji mhumiex immirati sew, u jissuġġerixxu li s-sistemi tal-benefiċċji mhux biss ma jipprovdux xibka ta’ sigurtà, iżda li mhumiex immirati sew lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Kemm il-kwalità kif ukoll is-sostenibbiltà ta’ dawn is-sistemi jinsabu fil-periklu (20). Fid-dawl tal-effetti tal-kriżi ekonomika u l-iżviluppi demografiċi, jeżisti r-riskju li s-sistemi tas-sigurtà soċjali minflok ma jkomplu jħarsu l-istandards tal-għajxien, ir-rwol tagħhom isir sempliċement dak li jistabbilixxu standards minimi. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta l-benefiċċji jkunu diġà qabżu d-dħul fiskali ta’ xi Stati Membri. Filwaqt li l-produttività qed tkompli tiżdied fil-pajjiżi tal-UE, magħha qed jiżdied il-faqar. Għandhom jitqajmu mistoqsijiet għaliex jidher li huwa impossibbli li jiġu sodisfati l-iktar ħtiġijiet bażiċi tan-nies u li jiġi pprovdut impjieg deċenti. Waħda mis-soluzzjonijiet fit-tul tinsab fit-tkabbir tal-ekonomija fis-settur pubbliku u privat, xprunat mill-iżvilupp ta’ kumpaniji kompetittivi.

3.3.7   Madankollu, il-kapaċità tal-UE li tipprovdi protezzjoni adegwata kontra r-riskji u tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku mal-progress soċjali ser tkun sostnuta biss bl-intensifikar tal-isforzi għar-riforma. Il-progress konġunt għandu jinkiseb b’livelli ogħla tal-impjieg, bit-tkabbir fil-produttività, b’sistemi fiskali adatti u s-sostenibbiltà u l-possibbiltajiet għas-sistemi soċjali Ewropej li jagħtu protezzjoni adegwata.

3.4   Żviluppi ġudizzjarji

3.4.1   Id-deċizjonijiet tal-QĠE f’erba’ każijiet (Viking, Laval, Rüffert u Luxemburg (21)) wasslu għal diskussjonijiet imqanqla fiċ-ċrieki politiċi u akkademiċi u żiedu l-biża’, kemm bi provi u mingħajrhom, ta’ riskju dejjem jiżdied ta’ dumping soċjali. Id-deċiżjonijiet iġġeneraw ukoll attivitajiet fl-istituzzjonijiet Ewropej u fost l-imsieħba soċjali.

3.4.2   F’Ottubru 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni (22) bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-QĠE. Il-Parlament stqarr li l-libertà li jingħataw is-servizzi mhijiex superjuri għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt tat-trejdjunjins li jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi u jieħdu azzjoni kollettiva. Barra minn hekk, il-Parlament stqarr li hemm lakuni fil-leġislazzjoni Komunitarja attwali, li hija inkonsistenti. Din ma kenitx l-intenzjoni tal-leġislatur tal-Komunità, li kien qed ifittex bilanċ ġust bejn il-libertà li jingħataw is-servizzi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.

3.4.3   Id-dibattitu akkademiku (23) kien kruċjali. F’Ġunju 2009, madwar 100 avukat Ewropew, li jispeċjalizzaw fil-liġi tax-xogħol, kif ukoll akkademiċi bagħtu ittra miftuħa lill-kapijiet tal-Istat u l-gvernijiet fejn urew tħassib kbir dwar id-deterjorazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali u l-impatt tad-deċizjonijiet reċenti tal-QĠE dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Huma wrew ukoll it-tħassib tagħhom li d-deċizjonijiet ħolqu problemi serji għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema. Huma insistew li d-drittijiet soċjali fundamentali m’għandhomx ikunu sekondarji għal-libertajiet tas-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni, iżda għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod sħiħ bħala prekondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-Unjoni Ewropea.

3.4.4   Fl-aħħar ta’ Marzu 2009, l-imsieħba soċjali Ewropej nedew analiżi konġunta tad-deċiżjonijiet tal-QĠE, fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Franċiża. Sabiex titwettaq din il-ħidma, twaqqaf grupp ad hoc li ffoka ħidmietu fuq għadd limitat ta’ kwistjonijiet prinċipali bħar-relazzjoni bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali, l-ostakli li għandhom jitneħħew u l-kondizzjonijiet li għandhom jinħolqu biex jittejjeb il-moviment ħieles u l-għoti tas-servizzi; il-kwistjoni tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali u l-isfida tar-rispett għad-diversità ta’ sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali (24).

3.4.5   Il-KESE, filwaqt li jirrispetta l-prerogattiva tal-QĠE li tinterpreta r-regoli eżistenti, jemmen li d-deċiżjonijiet jippreżentaw ħafna inkwiet minbarra l-bżonn ta’ analiżi u spjegazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom.

3.4.5.1   Il-ġerarkija bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali fundamentali

Bil-każijiet ta’ Viking u Laval, il-QĠE rrikonoxxiet li d-dritt ta’ azzjoni kollettiva huwa dritt fundamentali u – b’hekk – parti mil-liġi tal-UE, filwaqt li jisħaq li mhuwiex superjuri għal kwalunkwe liġi oħra tal-UE, bħal-libertà tal-għoti tas-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment. Barra minn hekk, il-QĠE tat il-libertà tal-għoti tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment effett dirett trasversali. Il-QĠE nnotat li l-azzjoni industrijali m’għandux biss ikollha “għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. […] f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan persegwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan” (25). B’hekk, il-fatt li rrikonoxxiet l-azzjoni kollettiva bħala dritt fundamentali huwa iktar rikonoxximent fil-prinċipju milli realtà. Sussegwentement, il-QĠE ddeċidiet li l-azzjoni kollettiva hija restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dawk il-libertajiet wara li staqsiet jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun ġustifikata. Dan ifisser li l-azzjoni kollettiva dejjem ser titkejjel skont ir-restrizzjoni li tista’ toħloq fuq il-libertajiet ekonomiċi. Xi akkademiċi osservaw il-fatt li l-QEDB (26) f’każijiet reċenti eżaminat il-kwistjoni mill-perspettiva opposta, jiġifieri analizzat liema huma l-limitazzjonijiet aċċettabbli fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Id-deċiżjonijiet tal-QĠE jqajmu t-tħassib dwar id-diskrepanza fil-ġurisprudenza tal-QEDB.

3.4.5.2   Il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali

Il-qorti għall-ewwel darba ddeċidiet dwar il-limiti għall-azzjoni kollettiva fuq livell nazzjonali f’kuntest transnazzjonali. Il-KESE jsibha preokkupanti ħafna li l-QĠE introduċiet test ta’ proporzjonalità f’dan l-istadju. Dan it-test mhux biss ineħħi l-kwalità tad-dritt fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva, iżda jixref ukoll fuq id-dritt tal-istrajk. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet u r-reazzjonijiet tal-QEDB, il-KESE jisħaq li l-proċess tad-definizzjoni tal-limiti tal-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet fundamentali soċjali jiddependi wkoll mid-deċiżjonijiet futuri u l-mistoqsijiet li jqajmu.

3.4.5.3   Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema

Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema hija intiża biex tiżgura l-armonizzazzjoni neċessarja filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali meta jiġu kkoordinati l-politiki nazzjonali għall-istazzjonar transkonfinali temporanju tal-ħaddiema. Il-QĠE kkonkludiet li l-problemi li nħolqu kienu minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni nazzjonali ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (Laval), in-nuqqas ta’ kompattibbiltà mal-leġislazzjoni nazzjonali (Rüffert (27)) jew interpretazzjoni miftuħa wisq tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u miżuri ta’ kontroll mhux ċari u mingħajr ġustifikazzjoni (Luxemburg).

Skont il-QĠE, id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ma timponix it-trattament ugwali iżda tiżgura li jiġu rispettati l-ħtiġiet minimi tal-ħaddiema stazzjonati. B’hekk, fil-fatt hija direttiva massima minflok waħda minima. Madankollu, id-deċiżjonijiet tal-QĠE ma jimpedixxux l-applikazzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet iktar favorevoli tal-impjieg min-naħa ta’ min iħaddem. L-għan tal-Artikolu 3.7 tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema kien li jiżgura li l-applikazzjoni tar-regoli minimi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitant ma twassalx għal kondizzjonijiet ta’ xogħol agħar minn dawk li l-ħaddiem stazzjonat kien intitolat għalihom fil-pajjiż tal-oriġini. Tressaq l-argument li d-deċiżjonijiet ineħħu l-possibbiltà li fil-livell nazzjonali jiġu imposti standards ogħla li jmorru lil hinn mir-regoli mandatorji għall-protezzjoni minima fid-direttiva jew permezz ta’ regoli mandatorji jew ftehimiet kollettivi favur il-ħaddiema.

Din imbagħad toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni domestika u fis-suq intern fejn il-kumpaniji domestiċi jridu jsegwu r-regoli nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi filwaqt li l-kompetituri mill-Istati Membri l-oħra japplikaw ir-regoli minimi.

3.4.5.4   Kunflitt bejn sistemi legali differenti

Riżultat ieħor tad-deċizjonijiet huwa l-kunflitt bejn il-liġi tal-Komunità u l-istandards internazzjonali (28). Barra minn hekk, jista’ jiġi argumentat li jeżisti kunflitt legali mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO, kif ukoll mal-Artikolu 6(4) tal-Karta Soċjali Ewropea u l-każistika tal-istituzzjonijiet rispettivi, kif stabbilixxew il-korpi superviżorji tal-ILO (il-każ ta’ BAPA UK).

4.   Konklużjonijiet

4.1   Dawn l-aħħar snin, kif ukoll il-kriżi attwali, ġabu magħhom riskji ġodda ta’ aktar inugwaljanzi soċjali. Barra minn hekk, l-UE kabbret ir-riskji ta’ distorsjonijiet kompetittivi u soċjali permezz ta’ deċiżjonijiet li ħadet. Hemm ir-riskju li l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u ġudizzjali jwasslu għal sitwazzjoni fejn id-dimensjoni soċjali tas-suq intern tiġi mhedda u fejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali soċjali previsti fl-opinjoni tal-KESE tal-1987 jixxekklu. Għaldaqstant, id-dimensjoni soċjali tas-suq intern għandha tkun punt prinċipali fis-snin li ġejjin, iżda sabiex jittejbu l-aspetti ekonomiċi – l-impjieg, il-benefiċċji, id-dħul mit-taxxa – l-UE ser ikollha tikkorreġi l-falliment ċar tas-suq intern biex jippromovi t-tkabbir bis-saħħa ta’ impjiegi ta’ kwalità u intrapriżi u entitajiet oħra li jħaddmu ta’ kwalità ogħla.

4.2   Wieħed mill-iktar aspetti importanti tad-dimensjoni soċjali huwa l-impjieg. Fid-dawl tal-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, is-settur pubbliku ma jistax joħloq għadd infinit ta’ impjiegi u b’hekk il-piż prinċipali tal-ħolqien tal-impjiegi għandu jaqa’ fuq is-settur privat. L-Istati Membri għandhom joħolqu kondizzjonijiet għal ċirku virtuż ibbażat fuq l-ekonomija reali, li bis-saħħa tiegħu l-klijenti joħolqu l-impjiegi, il-kumpaniji joħolqu l-klijenti u l-investituri, u l-intraprendituri joħolqu l-kumpaniji. Huwa importanti wkoll li l-investiment soċjali jitqies bħala appoġġ għall-intrapriżi u bħala opportunità biex jinħoloq ambjent tajjeb għall-kummerċ. F’dan il-qafas, l-ekonomija soċjali tagħti kontribut ta’ valur kbir.

4.3   Il-KESE ta kontribut fid-diskussjonijiet dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-mudelli soċjali Ewropej u n-natura tal-mudell soċjali Ewropew (29). Il-KESE stqarr li s-saħħa tal-mudell soċjali Ewropew ġejja mill-mod ta’ kif il-kompetittività, is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka jiffunzjonaw flimkien.

4.4   Mezz ta’ kif jista’ jiġi riżolt il-kunflitt bejn is-suq intern u d-drittijiet soċjali huwa billi nduru lura għal politika ta’ “Aktar stat nazzjon, anqas Ewropa”. Il-KESE huwa tal-opinjoni li neħtieġu proprju l-kuntrarju; neħtieġu aktar Ewropa, iżda Ewropa differenti. Madankollu, biex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn ta’ sistema regolatorja ġdida għall-politika ekonomika u soċjali Ewropea. Ewropa demokratikament u soċjalment sħiħa biss tista’ tevita l-periklu tal-aljenazzjoni dejjem tikber tal-Ewropej mill-proġett Ewropew. Fl-istess ħin l-UE għandha tirrispetta wkoll is-sistemi soċjali differenti stabbiliti fl-Istati Membri. Jekk il-ġurisprudenza u l-liġi tal-UE ma jqisux id-diversità tal-UE, l-istandards minimi jistgħu jkunu baxxi wisq biex ikun jista’ jiġi evitat id-dumping soċjali f’ħafna pajjiżi.

4.5   Element importanti ħafna tad-dimensjoni soċjali Ewropea huwa politika fiskali armonizzata u iktar ġusta fil-livell tal-UE. Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara li għaddejja bħalissa, il-KESE jappoġġja sforzi li jiżguraw Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata. Din hija meħtieġa fil-perijodu fit-tul jekk is-suq intern irid jaħdem sew (30). Il-KESE appella wkoll għal koordinazzjoni akbar tal-politiki fiskali tal-Istati Membri tal-UE, primarjament fl-oqsma fejn il-bażi tat-taxxa hija mobbli u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa bejn l-Istati Membri huwa l-akbar (31). L-evażjoni u l-frodi fiskali kif ukoll ir-rifuġji fiskali lkoll għandhom jiġu miġġielda.

4.6   Ma rridux ninsew li bit-tneħħija tal-possibbiltà ta’ kondizzjonijiet regolatorji fis-suq tax-xogħol permezz tal-ftehimiet kollettivi, is-swieq tax-xogħol isiru inqas flessibbli. Il-ftehimiet kollettivi u d-djalogu soċjali huma strumenti essenzjali għall-kunċett tal-flessigurtà (32).

5.   Kif niżguraw li d-dimensjoni soċjali titħaddem b’mod iktar effettiv

5.1   Fil-perijodu l-qasir, il-KESE jappella sabiex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Il-kontrolli effettivi tal-applikazzjoni adatta tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istazzjonar tal-ħaddiema huma prerekwiżit sabiex jinkiseb l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-evitar tad-dumping soċjali. Il-kooperazzjoni transnazzjonali effettiva bejn l-awtoritajiet trid tkun żgurata għall-kontroll effettiv tar-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati. Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ “Interpol Soċjali Ewropew” li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Ispettorati tal-Kondizzjonijiet Soċjali tad-diversi Stati Membri.

5.2   Fid-dawl tal-ġurisprudenża tal-QEDB rigward id-drittijiet fundamentali, il-QEDB targumenta li l-Konvenzjoni hija strument ħaj li jirrifletti l-istandard dejjem ogħla meħtieġ fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li b’hekk jirrikjedi li jkun iktar strett fl-analiżi tal-ksur tal-valuri fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi u li l-limitazzjonijiet tad-drittijiet għandhom jinbnew b’mod restrittiv (33). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fl-UE fid-dawl tad-deċiżjonijiet reċenti tal-QEDB.

5.3   L-inklużjoni u l-involviment tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tagħhom u t-trejdjunjins huma kruċjali sabiex il-bidla tiġi ġestita b’mod soċjalment aċċettabbli fil-livell tal-kumpaniji (34). F’diversi okkażjonijiet il-KESE saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u tat-tisħiħ tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fil-livell Ewropew u nazzjonali, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità ta’ sistemi bħal dawn madwar l-UE (35). Il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha tal-Kummissjoni li jimmiraw li jsaħħu d-djalogu soċjali, fosthom:

il-promozzjoni ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità ogħla u mekkaniżmu Ewropew għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-konċiljazzjoni;

l-iżvilupp ta’ djalogu makroekonomiku bil-għan li tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra.

5.4   Fil-perijodu l-medju, il-KESE jappoġġja inizjattiva mill-Kummissjoni li tiċċara l-obbligi legali għall-awtoritajiet nazzjonali, il-kumpaniji u l-ħaddiema skont l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u li tiżgura li dawn ir-regoli jkunu applikabbli universalment. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-impenn li l-President tal-Kummissjoni Barroso ħa quddiem il-Parlament Ewropew. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta fir-rapport ta’ Monti, fejn id-dritt tal-istrajk huwa eżentat mis-suq intern, hija waħda interessanti u jemmen li din tista’ ssolvi xi wħud mill-problemi. Madankollu, dan m’għandux jeskludi reviżjoni parzjali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sabiex il-prinċipju tal-post tax-xogħol jiġi applikat b’mod konsistenti, u jagħmilha possibbli li jiġi stabbilit bil-liġi li l-istess kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ ħlas għandhom japplikaw dejjem għall-istess xogħol fl-istess post.

5.5   Fil-perijodu iktar fit-tul, l-Unjoni Ewropea għandha tistinka għat-tisħiħ tad-dirittijiet fundamentali soċjali.

F’diversi okkażjonijiet, il-KESE appella għal politiki soċjali Ewropej aktar b’saħħithom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi li għaddejja bħalissa. L-UE trid tkun impenjata lejn politika ta’ livell massimu ta’ impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fid-dħul, it-titjib fil-kondizzjonijiet soċjali, it-tisħiħ tas-sigurtà soċjali, il-qerda tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg mingħajr protezzjoni soċjali u t-tiġdid tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-demokrazija industrijali. It-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta mehmuża tad-Drittijiet Fundamentali għad ma kellhomx l-impatt sħiħ tagħhom fuq il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi. Dan għad irid jiġi determinat.

Madankollu, it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali, li jinkludu d-drittijiet soċjali, jeħtieġ li kull restrizzjoni tkun limitata. Il-punt tat-tluq għandu jkun li l-ewwel tingħata ħarsa lejn id-drittijiet fundamentali mhux lejn il-libertajiet ekonomiċi, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB. It-tibdiliet li japplikaw direttament fil-liġi tal-UE (il-liġi primarja) għandhom isiru sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) tirrappreżenta 80 miljun ħaddiema.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.11.1987 dwar L-aspetti soċjali tas-suq intern, relatur: is-Sur Beretta (ĠU 356, 31.12.87, pġ. 31-33).

(3)  Pereżempju, id-Dimensjoni Soċjali tas-Suq Intern Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni. SEC (88) 1148 finali, 14.9.1988 u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programmi ta’ azzjoni tagħha marbuta mal-implimentazzjoni tal-karta tal-Komunità dwar id-drittijiet soċjali bażiċi tal-ħaddiema. COM(89) 568 finali, 29.11.1989.

(4)  Id-Dimensjoni Soċjali tas-Suq Intern. Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni. SEC(88) 1148 finali, 14.09.1988.

(5)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE

 

tas-6.7.2006 dwar Il-Koeżjoni Soċjali: it-Tħejjija ta’ Mudell Soċjali Ewropew, relatur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125).

 

tad-9.7.2008 dwar Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid, relatur: is-Sur Olsson (ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99-107) u

 

tal-4.11.2009 dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, relatur ġenerali: is-Sur Greif (ĠU C 128, 18.5.2010. p. 3-9).

(6)  Opinjoni tal-KESE tal-4.12.2008 dwar Il-Governanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda, relatur ġenerali: is-Sinjura Florio (ĠU C 175, 28.7.2009, p. 13-19).

(7)  Previżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għar-rebbiegħa 2009.

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.1.2009 dwar Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, relatur: is-Sur Delapina (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 71-74).

(9)  Ibid.

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.05.2009 dwar L-impatt tal-ostakli leġislattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE, relatur: is-Sur van Iersel. (ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6-14).

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 {COM(2007) 724 finali}.

(12)  Rapport integrat dwar l-implimentazzjoni u l-futur tal-Istrateġija ta’ Lisbona fil-perijodu ta’ wara l-2010.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.01.2009 dwar Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq intern, relatur: is-Sur Adamczyk. (ĠU C 182, 04.08.2009, p. 1-7).

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.05.2009 dwar L-impatt tal-ostakli leġislattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE, relatur: is-Sur van Iersel. (ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6-14).

(15)  Ara l-opinjoni tal-25.03.2009dwar L-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol, relatur: is-Sinjura Drabalová (ĠU C 228, 22.9.2009, p.14-23).

(16)  Previżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għar-rebbiegħa 2009.

(17)  Plant-level responses to the economic crisis in Europe,Vera Glassner and Béla Galgóczi WP 2009.01 ETUI.

(18)  Din ix-xejra ta’ żieda fl-inugwaljanzi hija evidenti wkoll fiż-żona tal-OECD.

(19)  The Social Situation in the European Union 2008.

(20)  IRES 115.

(21)  Viking C-438/05, Laval C-341/05, Rüffert C-346/06, COM v LUX C-319/06.

(22)  Riżoluzzjoni tal-PE tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-isfidi għall-ftehimiet kollettivi fl-UE (2008/2085(INI)).

(23)  http://www.etui.org/en/Headline-issues/Viking-Laval-Rueffert-Luxembourg/2-Articles-in-academic-literature-on-the-judgements.

(24)  Rapport dwar il-ħidma konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej fuq id-deċiżjonijeit tal-QĠE fil-każijiet ta’ Viking Laval, Rüffert u Luxemburg.

(25)  Viking C-438/05 (75).

(26)  ECHR Demir and Baykara v. Turkey (applikazzjoni nru 34503/97).

(27)  Fil-każ Rüffert, il-Qorti ddeċidiet li l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-ħlas ta’ pagi aktar baxxi huwa parti mil-libertà li tipprovdi servizzi u għaldaqstant huwa protett.

(28)  Id-deċizjoni Rüffert tal-QĠE ma kkunsidratx il-Konvenzjoni 94 tal-ILO u għaldaqstant l-interpretazzjoni toħloq kunflitt bejn id-diversi sistemi legali.

(29)  Ara l-opinjoni KESE tas-06.07.2006 dwar Il-koeżjoni soċjali: insaħħu l-mudell soċjali Ewropew, relatur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125).

(30)  Ara l-opinjoni tal-KESE tas-26.09.2007 dwar Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti, relatur: is-Sur Nyberg, (ĠU C 10, 15.01.2008, p. 113-117).

(31)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-4.11.2009 dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona fil-perijodu ta’ wara l-2010, relatur: is-Sur Greif, (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3-9).

(32)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-11.07.2007 dwar Il-Flessigurtà (in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali), relatur: is-Sur Janson (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 108-113).

(33)  ECHR Demir and Baykara v. Turkey (applikazzjoni nru 34503/97).

(34)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-29.09.2005 dwar Id-djalogu soċjali u l-bidliet industrijali, relatur: is-Sur Zöhrer (ĠU C 24, 30.01.2006, p. 90-94).

(35)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-11.07.2007 dwar Il-Flessigurtà (in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali) relatur: is-Sur Janson (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 108-113).


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/16

Relatur: is-Sur GENDRE

Korelatur: is-Sur KONSTANTINOU

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-1 ta' Lulju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industrija grafika Ewropea qed ikollha tiffaċċja sfidi enormi minħabba ż-żieda fl-użu tal-internet bħala sors ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, it-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja tal-gazzetti u r-rivisti, kif ukoll kompetizzjoni dinjija ħarxa li qed taffettwa ċerti prodotti tas-settur.

1.2   Is-settur speċifiku tal-offset bir-rombli (web offset) u tal-fotoinċiżjoni, min-naħa tiegħu, qed jiffaċċja sitwazzjoni aktar iebsa minħabba kapaċità ta' produzzjoni ħafna ogħla minn dik meħtieġa, li xi analisti stmaw bejn 25 u 30 %. Ir-rapport IFO Konjunkturtest, li kkunsidra l-industrija grafika Ġermaniża, jindika li r-rati tal-investiment f’din l-industrija żviluppaw skont it-tendenzi tas-suq u b’hekk naqsu mill-2008 ’l hawn. L-2006 u l-2007 kienu snin pjuttost tajbin għall-industrija grafika (1). Iżda mill-2008 ’l quddiem, iċ-ċikli ta' investiment inżammu f’livell tassew aktar baxx, l-aktar bil-għan li l-fluss tal-produzzjoni jiġi razzjonalizzat u jittejjeb.

1.3   Is-suq grafiku qed ibati minn kapaċità żejda, kif ukoll minn fatturi importanti oħra ta' kompetizzjoni bħall-attrattività tal-mezzi tax-xandir il-ġodda, l-importazzjoni minn pajjiżi li jipproduċu bi spejjeż aktar baxxi u t-tnaqqis fid-domanda. Dan il-kuntest ekonomiku żvantaġġuż ġab miegħu tnaqqis fil-prezzijiet u kellu impatt ħażin fuq l-istandard tal-għajxien tal-impjegati.

1.4   Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika attwali wasslet sabiex l-aċċess għall-kreditu sar aktar diffiċli. Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, dawn it-tendenzi negattivi wasslu biex kiber il-bżonn li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni. Din is-sitwazzjoni influwenzat in-negozjati riċenti dwar il-pagi. F’dan il-kuntest diffiċli, hemm ir-riskju li xi intrapriżi fis-settur grafiku, b’mod partikolari dawk li joperaw f’oqsma tas-suq aktar dgħajfa, ikollhom jirristrutturaw u jnaqqsu l-impjegati fuq skala kbira.

1.5   Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati ta' studju li analizza l-fatturi ta' kompetittività tas-settur. Din ir-riċerka wasslet għal proposti favur pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti kollha, li qed jibdew jiġu implimentati mill-intrapriżi u li għadhom rilevanti. Jinsab sodisfatt bil-progress li sar iżda jqis li d-diffikultajiet tas-settur, li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li laqtu lill-Istati Membri kollha tal-UE, jeħtieġu inizjattivi ġodda maħsuba sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fuq perijodu qasir u medju.

1.6   Il-KESE ġie infurmat li jeżisti proġett konġunt ġdid ta' sena bejn it-trejdjunjins u dawk li jħaddmu fis-settur li għandu l-għan li jiddefinixxi linji gwida bejn l-imsieħba soċjali dwar ir-ristrutturazzjoni soċjalment responsabbli tal-intrapriżi. Permezz ta' dan il-proġett imniedi fl-2009, dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jistgħu jwettqu analiżi komuni tal-problemi tas-settur u jibdew jirriflettu dwar kif jistgħu jsolvuhom b’konsultazzjoni bejniethom. Dawn id-diskussjonijiet ser ikollhom jersqu lejn it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni mmirat lejn it-tnaqqis fil-kapaċità żejda tas-settur.

1.7   Dan il-pjan jista’ jagħmel parti minn politika industrijali fuq perijodu aktar fit-tul li tkun tinkludi riflessjoni dwar il-mudelli l-ġodda ta' attività għall-industrija grafika. Dawn l-isforzi għandhom ikunu mmonitorjati minn grupp ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, minn trejdjunjins tal-impjegati u minn esperti, imwaqqaf taħt il-partoċinju tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-grupp ikollu l-kompitu li jidentifika l-bidliet tal-ġejjieni u l-għodod meħtieġa biex dawn il-bidliet jiġu indirizzati bis-saħħa ta' sistema trasparenti tal-ġbir ta' informazzjoni.

1.8   Bħalissa, id-djalogu soċjali formali bejn dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jeżisti biss fil-livell tal-intrapriżi u fil-livell nazzjonali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf kumitat għad-djalogu soċjali Ewropew għas-settur kollu.

1.9   L-aġenda għal djalogu soċjali Ewropew formali u strutturat tista’ tinkludi dan li ġej:

1)

Diskussjoni dwar id-diversi miżuri kapaċi jħarsu l-impjiegi bis-saħħa tat-taħriġ u l-bdil tal-kompiti tal-impjegati b’rabta mat-tnaqqis u l-adattament tal-ħin tax-xogħol, l-użu tat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol (qgħad tekniku) u t-tiftix ta' mobbiltà interna u esterna fi ħdan il-kumpanija jew fil-professjoni.

2)

Studju tal-isforzi li jridu jitwettqu sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3)

Rakkomandazzjoni komuni mir-rappreżentanti ta' dawk li jħaddmu u l-ħaddiema fir-rigward ta' linji gwida dwar l-investiment fit-tul, bil-fehim li l-bżonnijiet ta' investimenti ġodda u tal-ambitu ta' dawn l-investimenti jistgħu jiġu analizzati għalkollox biss fil-livell ta' kull intrapriża. Ir-rikonoxximent tal-elementi ta' strateġija adegwata dwar l-investiment għandu jiżgura l-akkwist ta' tagħmir ta' sostituzzjoni jew bi tweġiba għall-bżonnijiet tas-suq, u bis-saħħa t’hekk l-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jarmaw ruħhom tajjeb biex jaħdmu b’mod effiċjenti fl-oqsma attwali jew futuri tagħhom.

4)

Il-ħtieġa li s-sitwazzjoni finanzjarja tas-settur tiġi analizzata permezz tal-ġbir u l-konsolidazzjoni tad-data pubblika, mingħajr ma tiġi mhedda l-kunfidenzjalità tad-deċiżjonijiet strateġiċi ppjanati mill-intrapriżi. Din hija prijorità assoluta sabiex tkun tista’ ssir analiżi aħjar tal-flessibbiltà attwali fis-settur.

5)

Il-ġbir tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u l-bdil tal-karrieri, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards aċċettati tal-mudell soċjali Ewropew u tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu.

1.10   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni toħloq osservatorju jew kunsill settorjali għall-impjiegi u l-kompetenzi fil-livell Ewropew maħsub sabiex ikun jista’ jkejjel il-ħtiġijiet preżenti u futuri tas-settur u jgħin sabiex il-provvista tat-taħriġ tikkorrispondi għad-domanda. Dan l-osservatorju jkun jista’ jħeġġeġ it-taħriġ professjonali kontinwu kif ukoll il-mobbiltà tal-impjegati u l-bdil tal-karrieri.

1.11   Bħala pass immedjat, il-KESE jipproponi li, bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju u loġistiku tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll bil-preżenza tagħha, l-assoċjazzjonijiet Ewropej kompetenti jorganizzaw konferenza għall-partijiet interessati kollha bil-għan li tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni sabiex b’hekk jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir u li jiġi ffinanzjat studju indipendenti dwar il-ġejjieni tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jikseb mill-ġdid funzjonament sostenibblili u li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni.

1.12   Tista’ ssir analiżi tal-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-attività tagħhom fuq kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, filwaqt li l-użu tal-ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni jista’ jiġi eżaminat mill-intrapriżi bil-għan li dan jikkontribwixxi għal użu aħjar tal-kapaċità tal-produzzjoni permezz tal-ekonomiji ta' skala u t-titjib fit-tekniki tal-produzzjoni.

1.13   Il-KESE jħeġġeġ lill-poteri pubbliċi nazzjonali u Ewropej sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għall-finanzjament pubbliku, b’mod speċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' azzjonijiet relatati mat-taħriġ, il-bdil tal-karrieri u l-appoġġ għall-mobbiltà ta' dawk li jaħdmu fl-industrija grafika. Huwa jistieden lill-intrapriżi jeżaminaw il-possibbiltajiet li l-BEI jintervjeni sabiex jiffinanzja l-akkwist ta' teknoloġiji ġodda marbuta mal-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda.

2.   Kuntest

2.1   L-iżviluppi fl-industrija grafika Ewropea huma marbuta mill-qrib mat-tibdil li jolqot lill-fornituri tal-karti, il-linka u l-makkinarju tal-istampar kif ukoll lill-klijenti tagħhom, li għandhom id-diffikultajiet tagħhom x’jiffaċċjaw u li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jegħlbuhom; għal xi wħud dan jinvolvi proċess ta' konċentrazzjoni.

2.2   Dawn id-diffikultajiet ġejjin mill-bidliet strutturali fil-mezzi tal-komunikazzjoni li qed ikomplu jiħraxu minħabba l-kriżi: l-iżvilupp tal-internet bil-mod il-mod qiegħed jibdel il-komponenti tas-suq. L-impatt qawwi tal-internet qiegħed jinħass fil-katina tal-valur kollha kemm permezz tat-tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità, ħaġa li, b’mod parzjalment irriversibbli, qed tiċħad ċertu dħul vitali lill-mezzi tax-xandir grafiċi, b’konsegwenzi negattivi fuq il-pluraliżmu tal-informazzjoni.

2.3   Fil-każ tal-intrapriżi li jaħdmu f’ċerti oqsma tas-settur fejn il-prodotti m’għandhomx restrizzjonijiet ta' żmien biex jaslu fis-suq (b’mod partikolari l-qasam ta' kategoriji differenti ta' kotba), il-possibbiltajiet il-ġodda ta' trasport u komunikazzjoni qed iwasslu sabiex dawn l-intrapriżi jikkompetu ma' kumpaniji tal-istampar li joperaw fl-Indja jew fiċ-Ċina. Jidher ukoll li l-intermedjarji li jippruvaw jiksbu l-orħos prezzijiet għandhom aktar tendenza li jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għand stamperiji Asjatiċi u b’hekk qegħdin jippromovu l-iżvilupp ta' tendenza ta' deflazzjoni li qed tkun ta' ħsara għall-investiment. Peress li l-katalogi qed jiġu dejjem aktar ippubblikati online aktar milli fuq il-karta, dawn il-bidliet qed ikollhom reperkussjonijiet negattivi fuq is-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli.

2.4   Skont l-aħħar figuri ppubblikati mill-Eurostat, l-industrija grafika Ewropea għandha 132 571 intrapriża u tħaddem aktar minn 853 672 impjegat (2). Seba’ pajjiżi (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) iħaddmu 80 % tal-ammont totali ta' persuni li jaħdmu fis-settur fl-UE-25. Aktar minn 95 % tal-intrapriżi grafiċi Ewropej iħaddmu anqas minn 50 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 60 % tal-impjiegi, filwaqt li anqas minn 1 % tal-intrapriżi grafiċi jħaddmu aktar minn 250 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 13 % tal-impjiegi totali. Madankollu, sabiex tinkiseb stampa aktar sħiħa u preċiża tas-settur, teħtieġ data kkwantifikata aktar dettaljata, li għalissa għadha mhijiex disponibbli.

2.5   Din l-opinjoni tiffoka essenzjalment fuq il-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli, minħabba li jinvolvu numru kbir ta' kopji stampati u ta' pubblikazzjonijiet, u għalhekk ma tkoprix fil-fond is-settur tal-gazzetti jew dak tal-istampar tal-imballaġġi, li huma kkunsidrati bħala swieq differenti minħabba t-tip ta' prodotti li jinvolvu. Fil-fatt, ħafna gazzetti għandhom l-istamperija tagħhom u joperaw f’dan is-suq speċifiku biss b’mod marġinali. Is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni jinkludi l-intrapriżi grafiċi li jipproduċu kwantitajiet kbar ħafna ta' prodotti. L-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huma proċeduri ta' stampar differenti, li jeħtieġu makkinarju differenti. L-offset jintuża mill-intrapriżi l-kbar tal-offset bir-rombli u mill-intrapriżi ż-żgħar tal-offset ibbażat fuq il-karti. Is-setturi Ewropej tal-offset u l-fotoinċiżjoni, meqjusin flimkien, jirrappreżentaw 56 % tas-suq totali tal-istampar tradizzjonali fl-Ewropa (3). L-intrapriżi kkonċernati jipproduċu kotba, direttorji, katalogi u rivisti li, minħabba n-natura tagħhom, għandhom tendenza li jiġu stampati fi kwantitajiet kbar ħafna, li ġeneralment ivarjaw bejn 10 000 u 300 000 kopja.

2.6   Ir-rivisti jirrappreżentaw nofs il-produzzjoni, filwaqt li l-katalogi, il-fuljetti tal-pubbliċità u l-kotba jirrappreżentaw primarjament in-nofs l-ieħor. Il-produzzjoni totali tuża 5 miljun tunnellata karta. Il-biċċa l-kbira tar-rivisti fl-Ewropa, kif ukoll diversi tipi ta' imballaġġ, jiġu stampati bil-fotoinċiżjoni. Il-kapaċità annwali totali tas-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni hija ta' aktar minn 5 miljun tunnellata, bi 80 % ta' din il-kapaċità kkonċentrata f’biss 5 pajjiżi. B’kollox, fl-Ewropa jintużaw 222 rotattiva.

2.7   Fl-Ewropa, is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huwa magħmul l-iktar minn intrapriżi kbar, kemm fl-offset bir-rombli (bejn wieħed u ieħor 30 intrapriża fl-Ewropa) kif ukoll fil-fotoinċiżjoni (bejn wieħed u ieħor 25 intrapriża fl-Ewropa). Dawn l-intrapriżi jikkompetu bejniethom biex itejbu sehemhom mis-suq fil-kuntest ta' domanda dinjija dejjem iċken. Dawn l-aħħar snin, is-settur tal-fotoinċiżjoni qed ikollu jiffaċċja kompetizzjoni aktar qawwija min-naħa tas-settur tal-offset bir-rombli. L-intrapriżi qed ikollhom jiffaċċjaw pressjoni dejjem aktar qawwija u l-imsieħba soċjali qegħdin iħabbtu wiċċhom man-negozjati dwar ir-ristrutturazzjonijiet filwaqt li jippruvaw iżommu kemm jista’ jkun l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi.

3.   Raġuni

3.1   Il-problemi li qed ikollha tiffaċċja l-industrija grafika Ewropea b’mod ġenerali huma ferm akbar għas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni li ntlaqat bil-kbir minn sfidi kemm strutturali kif ukoll ċikliċi: it-tibdil globali fis-settur tal-mezzi tax-xandir kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-internet li qed iċekknu s-suq tal-prodotti stampati fil-qasam tal-informazzjoni, il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed, u l-konċentrazzjoni.

3.2   Żviluppi ġenerali fis-settur tal-mezzi tax-xandir

3.2.1   Matul is-snin li ġejjin, il-volum tal-prodotti huwa mistenni jkompli jonqos minħabba l-iżvilupp tal-pubblikazzjonijiet online, tal-pubbliċità fuq l-internet u l-bidla fl-imġiba tal-qarrejja li dan qed iġib miegħu.

Il-produzzjoni ta' direttorji u katalogi naqset matul dawn l-aħħar ħames snin. Il-produzzjoni ta' dawn l-oġġetti hija essenzjali għas-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni. Jekk din it-tendenza tkompli sejra, ser ikun hemm ristrutturazzjonijiet ġodda u fużjonijiet ġodda, ser ikollhom jagħlqu aktar siti ta' produzzjoni u ser ikun hemm aktar telf ta' impjiegi.

3.2.2   Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-settur Ewropew tar-rivisti mar għall-agħar u rreġistra tnaqqis kemm fil-bejgħ kif ukoll fil-prezzijiet (4). Barra minn hekk, skont l-Intergraf, erbgħa mis-sitt pajjiżi ewlenin li jipproduċu r-rivisti kellhom tnaqqis fil-bejgħ bejn l-2001 u l-2004, bl-eċċezzjoni ta' Spanja u l-Italja fejn il-bejgħ żdied bi ftit. Figuri aktar reċenti juru li s-swieqfl-Italja u fi Spanja bħalissa qegħdin jiċkienu. Fl-2009, l-investimenti tal-pubbliċità mmirati lejn ir-rivisti perjodiċi naqsu bi 28,7 % fl-Italja (Nielsen), filwaqt li l-produzzjoni tar-rivisti marret lura b’10,5 % f’termini ta' piż (Istat). Din it-tendenza għadha b’saħħitha u ser tkompli sakemm jibqa’ jkun hemm kapaċità żejda fis-settur. Peress li l-intrapriżi qed jimmiraw lejn swieq aktar speċjalizzati biex itejbu l-bejgħ tagħhom, qegħdin jordnaw inqas kopji stampati u dan qed ikollu impatt ħażin fuq is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, fejn l-iffrankar fl-ispejjeż tal-produzzjoni jista’ jsir biss meta jiġu stampati ammonti kbar ħafna.

3.2.3   Il-gruppi tal-istampa naqqsu l-ammont ta' gazzetti li jippubblikaw ta' kuljum minħabba t-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja. Fir-Renju Unit, pereżempju, mhux anqas minn 53 pubblikazzjoni (essenzjalment gazzetti li jitqassmu b’xejn kull ġimgħa) twaqqfu fl-2008. Uħud minn dawn il-gruppi jiżviluppaw offerti ta' abbonamenti akkoppjati, għal pubblikazzjonijiet kemm fil-verżjoni stampata kif ukoll diġitali, bi sforz biex tinsab komplementarità bejn dawn iż-żewġ forom ta' diffużjoni tal-informazzjoni u l-pubbliċità. Minkejja li għalissa għad m’hemm l-ebda ċertezza, din il-proċedura taf tgħin sabiex iżżomm lis-settur milli jibqa’ jmur lura u forsi tiffaċilita r-riklassifikazzjoni ta' wħud mill-impjegati.

3.2.4   Il-karta tirrappreżenta aktar min-nofs l-ispejjeż tal-istampar fl-Ewropa u, peress li l-intrapriżi jixtru l-karta fuq bażi individwali, qed isibuha diffiċli jiġġieldu kontra x-xiri fuq bażi kollettiva bħalma jsir fil-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. F’rapport reċenti ħafna, l-Istationers’ and Newspaper Makers’ Company stmat li d-domanda għall-karta tal-gazzetti ser tonqos bin-nofs (56 %) sal-2020. L-istess rapport jindika wkoll li d-domanda għar-rivisti x’aktarx ser tonqos b’madwar terz minħabba żieda fl-istampar online u r-reperkussjonijiet fuq il-pubbliċità, kif ukoll minħabba l-impatt tal-mezzi tax-xandir diġitali fuq is-settur tar-rivisti speċjalizzati fil-kummerċ (5).

3.2.5   Fil-passat, il-pubblikaturi kienu jippubblikaw fl-istamperiji tagħhom stess. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, ħafna biegħu l-istamperiji tagħhom sabiex jikkonċentraw fuq l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Illum il-ġurnata, hija rari li pubblikatur ikollu l-istamperija tiegħu. Barra minn hekk, kultant jużaw is-servizzi tal-intermedjarji u jordnaw ix-xogħol tal-istampar tagħhom mingħand l-istamperija li toffri l-orħos prezz. Din it-tendenza qed tkompli żżid il-pressjoni fuq l-intrapriżi grafiċi u qed tkompli tgħakkes settur li diġà huwa batut ħafna. Il-kapaċità żejda qed tagħmilha possibbli għal dawn il-pubblikaturi kbar u b’saħħithom li jimponu t-tnaqqis fl-ispejjeż. Dan qed iċekken il-marġini tal-intrapriżi grafiċi u qed ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq il-pagi tal-impjegati.

3.2.6   Il-pubblikaturi tal-katalogi u r-rivisti perjodiċi qed jagħmlu pressjoni simili fuq l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti tagħhom. Peress li għal kull kuntratt ikun hemm kompetizzjoni qawwija, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi grafiċi qed jippruvaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom bażikament billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi u dan qed iwassal sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiddeterjoraw.

3.2.7   Il-kriżi finanzjarja għandha konsegwenzi ħżiena fuq l-aċċess għall-kreditu tal-intrapriżi grafiċi, li għandhom l-iżvantaġġ li m’għandhomx reputazzjoni tajba mal-banek. Barra minn hekk, qed twassal għal tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità u dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-volum tax-xogħol.

3.2.8   Fl-aħħar nett, minkejja li hija xi ħaġa ta' min jixtieqha, jidher li huwa diffiċli għall-intrapriżi grafiċi li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom bħalissa mhumiex f’qagħda li jinvestu, speċjalment fil-prepress, minħabba n-nuqqas ta' mezzi finanzjarji u ta' bini disponibbli.

3.2.9   Min-naħa l-oħra, l-unitajiet ta' produzzjoni ż-żgħar u ta' daqs medju donnhom jistgħu jadattaw aktar faċilment għat-tibdiliet strutturali u għad-diffikultajiet ċikliċi minħabba li l-mod kif joperaw huwa aktar adatt għall-bżonnijiet ta' klijentela aktar diversifikata u b’hekk huwa aktar flessibbli. Fil-ġejjieni, dawn l-intrapriżi jistgħu jgħinu sabiex parti mill-impjegati tal-istrutturi l-kbar li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, parti li mhix faċli li tiġi kkwantifikata, ikunu jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

3.3   Kapaċità żejda u investiment żejjed

3.3.1   Iż-żieda fil-kapaċità żejda (6) tas-suq Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, li ġejja mit-tnaqqis fid-domanda fis-suq Ewropew kif ukoll mill-investiment żejjed, qed ikollha impatt ħażin fuq il-marġni żgħar tal-produtturi. Fejn qabel din ir-realtà kienet diġà qed tħalli impatt, issa hemm riskju serju li jibdew jiġu adottati miżuri aktar ħorox għat-tnaqqis tal-ispejjeż, bħala sforz iddisprat sabiex jinżammu l-marġni, jew inkella għas-sopravivenza. Bosta huma dawk l-intrapriżi li qed ikollhom jaċċettaw prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi mill-ispejjeż globali tal-produzzjoni tagħhom sabiex jillimitaw it-telf.

3.3.2   Skont studju mwettaq mill-UNI Europa Graphical, il-livell tal-produzzjoni grafika tas-settur fl-2008 reġa’ lura għal dak tal-2004 (7). Minkejja dan il-kuntest mhux favorevoli, l-intrapriżi Ewropej tar-rotogravure xtraw 28 magna ġdida bejn l-2005 u l-2008. Huwa minnu li dan l-investiment kien parzjalment tweġiba għal ċerti strateġiji relatati pereżempju mal-ħtieġa li jiġġedded il-materjal, li tingħata tweġiba għall-esiġenzi l-ġodda tas-suq u li tiġi pprovduta kapaċità supplementari sabiex il-livelli għolja ta' produzzjoni jkunu eventwalment iffaċċjati bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Dawn il-magni huma kapaċi jipproduċu materjal stampat b’mod aktar effiċjenti u dan iwassal għal żieda fil-kapaċità żejda tas-settur, li huwa stmat li qabel il-kriżi kienet bejn wieħed u ieħor bejn 15 u 20 % (8). Illum, bil-kriżi, il-kapaċità żejda hija bejn wieħed u ieħor bejn 25 u 30 %.

3.3.3   Skont it-trejdjunjin Ġermaniża ver.di, iż-żieda fil-kapaċità grafika fl-Ewropa kompliet żiedet il-pressjoni tal-kompetizzjoni, li issa saret diżastruża. L-analiżi tagħha tindika wkoll li dawn l-investimenti servew biss biex iżidu l-pressjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż u li jiġu eliminati l-kompetituri fis-suq, u dan diġà wassal għat-tnaqqis tal-impjiegi fuq skala kbira.

3.3.4   Il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed diġà ġabu magħhom numru konsiderevoli ta' fallimenti kbar. Waħda minn dawn l-intrapriżi, Quebecor World, kienet waħda mill-intrapriżi grafiċi ewlenin fl-Ewropa u kienet timpjega aktar minn 20 000 ruħ madwar id-dinja. Fl-2008, il-Quebecor World għalqet minħabba l-kompetizzjoni eċċessiva u ż-żieda fl-użu tal-istampar diġitali. Fl-2009, l-intrapriża rrimborżat id-dejn li kellha u issa hija magħrufa bħala World Color, wara li ċediet l-attività Ewropea tagħha lil fond ta' investiment li jġib l-isem ta' HHBV. Minbarra dawn il-fallimenti, bosta intrapriżi qed ikollhom il-problemi minħabba l-fużjonijiet; dan il-proċess wassal għal ristrutturazzjonijiet kbar ħafna fis-settur u min-naħa tiegħu dan wassal għat-telf ta' impjiegi.

3.3.5   Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, il-kriżi ekonomika kellha riperkussjonijiet serji fuq in-negozjar tal-pagi matul l-2009. Anke meta l-impjiegi jiġu ppreservati, il-pressjoni qawwija li qed issir fuq il-ħaddiema sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol qed ikollhom effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll fuq il-pagi. In-negozjati kollettivi tal-2009 wasslu għal tnaqqis medju ta' -0,9 % tal-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati fl-industrija grafika Ewropea (9). It-tkabbir tas-suq ikkontribwixxa għat-tisħiħ tad-deterjorament ċikliku tal-prezzijiet u l-ispiża tax-xogħol kif ukoll tal-ambjent kompetittiv.

3.4   Konċentrazzjoni

3.4.1   Dawn l-aħħar snin, in-numru ta' intrapriżi li jipproduċu l-karta, il-linka u l-makkinarju tal-istampar naqas u dan wassal għal konċentrazzjoni aktar qawwija li poġġiet lill-fornituri f’pożizzjoni ta' saħħa li tagħmilhielhom possibbli jimponu l-kundizzjonijiet tagħhom aktar faċilment.

3.4.2   Barra minn hekk, studju reċenti dwar is-settur grafiku Ewropew juri li l-kapaċità żejda, l-investiment żejjed, id-domanda baxxa, il-prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti, it-tnaqqis fil-bejgħ u ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-suq wasslu għal fużjonijiet u akwiżizzjonjiet u għal fallimenti ġodda (10).

3.4.3   Il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet wasslu għal intrapriżi akbar u aktar determinati li jeliminaw il-kompetituri tagħhom. B’hekk, fl-2005, permezz tal-fużjoni tal-attivitajiet grafiċi tal-gruppi tax-xandir Bertelsmann, Gruner + Jahr u Springer, inħolqot Prinovis, l-akbar intrapriża tal-fotoinċiżjoni fi ħdan l-industrija grafika Ewropea. Barra minn hekk, il-grupp Schlott AG laħaq it-tieni post fir-rotogravure fl-Ewropa bis-saħħa tal-akwiżizzjoni tal-intrapriża REUS (Plzeň, ir-Repubblika Ċeka) kif ukoll ta' kapaċità ta' tiwi u stampar (Biegelaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-2006 u fl-2007. Fil-bidu tal-2008, grupp ta' investiment Olandiż ħa f’idejh l-attivitajiet grafiċi Ewropej ta' Quebecor. Il-grupp Britanniku Polestar qiegħed ifittex ma' min jissieħeb sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.

4.   Inħarsu ’l quddiem

4.1   Dawn id-diffikultajiet kollha qed ipoġġu s-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tkun ta' detriment fuq perijodu fit-tul jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, flimkien mal-partijiet interessati l-oħra, ma jaġixxux b’mod urġenti u koordinat. L-imsieħba soċjali kollha waslu għall-konklużjoni li s-settur għandu bżonn jiġi organizzat u strutturat mill-ġdid jekk irid jiżgura l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul. Hemm ir-riskju li x’aktarx matul l-għaxar snin li ġejjin ikun hemm aktar razzjonalizzazzjoni u ħafna impjegati jingħataw is-sensja. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali jqisu li għandhom jittieħdu inizjattivi issa sabiex jiġi żgurat li l-kriżi li qed jiffaċċja s-settur tiġi kkontrollata u ġestita fl-aħjar interess ta' min iħaddem u tal-impjegati. Il-kriżi tant hija serja li t-trejdjunjins bħalissa qed jeżaminaw l-implikazzjonijiet tagħha u qed jippruvaw ifasslu strateġiji kostruttivi sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi, jiġi ppjanat il-bdil tal-kompiti tal-impjegati, tiġi evitata d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jinżamm il-livell tal-pagi.

4.2   Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet professjonali, ipproponiet pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika f’sitt punti:

1)

Appoġġ għad-dinamika tal-industrija tal-istampar Ewropea f’suq globalizzat;

a)

Sħubijiet u alleanzi;

b)

Il-ġestjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni;

2)

L-iżvilupp ta' servizzi b’valur miżjud qawwi għall-klijenti;

3)

Titjib fit-taħriġ;

4)

It-tisħiħ tal-istandard Ewropew – standardizzazzjoni u armonizzazzjoni;

5)

Żieda koordinata fl-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni;

6)

Titjib tar-reputazzjoni tal-industrija grafika.

Il-KESE jappoġġja din il-proposta kollha kemm hi, li għadha ġeneralment attwali, u jinsab sodisfatt bil-progress li diġà sar. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet tas-settur li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li din ġabet magħha fl-Istati Membri kollha tal-UE, iqis li hemm bżonn li jittieħdu ċerti miżuri urġenti sabiex jgħinu lis-settur jindirizza l-isfidi li se jkollu jiffaċċja fuq perijodu qasir.

4.3   Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja saħħet il-bżonn urġenti ta' reazzjoni ppjanata u koordinata min-naħa tal-imsieħba soċjali. Aktar minn qatt qabel, hemm bżonn li tiġi ddefinita politika industrijali Ewropea ġenwina bbażata fuq il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni. Ma jkunx adatt li l-proċess ta' konċentrazzjoni jissaħħaħ aktar minn dak li huwa meħtieġ, avolja għandha ssir konsolidazzjoni kkontrollata li tittratta l-bidliet b’attenzjoni, anke jekk dan ifisser tnaqqis fil-ħin tax-xogħol. L-għan ikun li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi kemm jista’ jkun u li jiġu ppjanati mezzi effiċjenti għall-bdil fil-kompiti tal-impjegati u l-mobbiltà interna u esterna. B’konformità mar-Regolament 2658 KE 2000 li bħalissa qed jiġi rivedut, jista’ jkun li jsiru ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni bejn intrapriżi li flimkien ma jaqbżux l-20 % tas-sehem mis-suq; sabiex itejbu t-tekniki tal-produzzjoni u b’hekk iwettqu ekonomiji ta' skala li jkunu jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-perennità tal-intrapriżi tiġi ppreservata.

4.4   Tista’ tiġi eżaminata l-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tagħha fuq kif il-prezzijiet jiġu stabbiliti. Għandu jkun possibbli li jitħaddem il-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa u mhux imxekkla, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards deċenti tax-xogħol u ta' pagi u l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi kull fejn jeżistu fl-UE.

4.5   Il-kapaċità żejda tas-settur għandha titnaqqas b’mod koordinat. Id-djalogu soċjali u n-negozjati kollettivi għandhom jiżviluppaw fil-livelli kollha f’kull pajjiż sabiex ir-ristrutturazzjoni tiġi ġestita fuq il-bażi ta' linji gwida li huma soċjalment aċċettabbli. Barra minn hekk, huwa urġenti li jiġi stabbilit djalogu soċjali formali u strutturat fil-livell Ewropew sabiex jitfasslu soluzzjonijiet adatti għall-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija. Il-KESE jfakkar li d-djalogu soċjali settorjali jista’ jwassal għall-adozzjoni ta' opinjonijiet, dikjarazzjonijiet komuni, linji gwida, kodiċijiet ta' kondotta, karti u ftehimiet.

4.6   L-għajnuna finanzjarja u loġistika tal-Kummissjoni Ewropea hija indispensabbli sabiex l-industrija tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa tibqa’ b’saħħitha u prospera fil-ġejjieni. Il-KESE jħeġġeġ lill-intrapriżi jitolbu l-intervent tal-għajnuniet Ewropej disponibbli, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Tkun ukoll ħaġa tajba li tiġi vvalutata l-kapaċità tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jintervjeni sabiex jiffinanzja l-adattament tal-intrapriżi għall-attivitajiet li jitolbu l-użu ta' teknoloġiji ġodda. Is-sistemi differenti ta' għajnuna għandhom jintużaw biss sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil u mhux biex jiġu ffinanzjati indirettament ir-rilokazzjonijiet.

4.7   Fil-futur immedjat, il-KESE qed jipproponi erba’ inizjattivi:

4.7.1

Il-ħolqien ta' grupp ta' riflessjoni ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, impjegati u riċerkaturi sabiex jidentifika kif l-industrija grafika tista’ tiġi organizzata fuq perijodu medju u jagħmel proposti dwar il-mudell kummerċjali l-ġdid li ser ikollu jiġi stabbilit.

4.7.2

L-organizzazzjoni ta' konferenza għall-partijiet interessati kollha sabiex tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni u jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni u li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jaqbad it-triq lejn funzjonament sostenibbli.

4.7.3

Studju independenti ffinanzjat mill-Kummissjoni fil-qafas tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew sabiex jixħet ftit dawl fuq il-futur tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju, billi jiġu kkunsidrati b’mod partikolari t-teknoloġiji l-ġodda, l-iżvilupp tal-imġiba tal-konsumaturi u l-istrateġiji tal-provvedituri u tal-klijenti.

4.7.4

Il-ħolqien ta' osservatorju, jew kunsill settorjali, għall-impjiegi u l-kompetenzi sabiex jiġu identifikati l-impjiegi tal-lum u ta' għada. Sabiex jiġu ddefiniti l-politiki adatti dwar it-taħriġ u l-bdil fil-karrieri, huwa assolutament neċessarju li jiġu identifikati l-kompetenzi meħtieġa.

4.8   Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti tal-iżvilupp tal-professjoni, il-Kummissjoni għandha tattrezza ruħha b’sistema ta' ġbir ta' informazzjoni u data affidabbli li tkun aċċessibbli għall-partijiet interessati.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ifo, Investitionstest, München, Frühjahrsgutachten 2008 (Stħarriġ dwar l-investiment, Munich, rebbiegħa 2008).

(2)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(3)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(4)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(5)  The Future of Paper and Print in Europe, Stationers’ and Newspaper Makers’ Company (2009).

(6)  Gennard J., The Impact of the financial crisis on the European graphical industry (2009).

(7)  Konferenza Ewropea dwar ir-rotokalk u l-offset, 16-20 ta' Marzu 2009, Verona (l-Italja).

(8)  Ibid.

(9)  Gennard J., Report on UNI Europa’s collective agreements (2009).

(10)  Gennard J., Annual Collective Bargaining Survey. UNI Europa (2008).


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bidliet u prospetti tas-sottosettur tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/17

Relatur: is-Sur PEZZINI

Korelatur: is-Sur BOOTH

Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Bidliet u prospetti tas-sottosettur tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Lulju 2010.

Matul il-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l 15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 1 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet  (1)

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-importanza tas-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa li jipprometti tajjeb kemm f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u teknoloġiku, kif ukoll minħabba r-rabtiet mill-qrib li għandu mal-kuntesti operattivi u tal-impjiegi fil-lokalitajiet, b’possibbiltà ta’ kontribut importanti kontinwu għall-iżvilupp ta’ ekonomija Ewropea li tiżgura l-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

1.2   Il-KESE jitlob li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol tniedi inizjattiva pilota biex tinħoloq mappa tad-daqs u d-distribuzzjoni ġeografika tal-intrapriżi fis-settur u tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, kif ukoll tad-daqs tal-ekonomija informali fis-settur. B’mod parallel, il-KESE jitlob li jsiru għadd ta’ diskussjonijiet dwar il-klassifikazzjoni NACE tas-settur, biex jiżguraw li l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tiegħu jiġu identifikati b’mod adegwat.

1.3   Fi ħdan l-inizjattivi Ewropa 2020, li jiġġieldu t-tisħin globali, il-KESE jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li s-sostenibbiltà u l-effiċjenza tar-riżorsi fis-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti u l-potenzjal tiegħu li joħloq postijiet tax-xogħol u investiment jitqiesu fl-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet ambjentali ġodda.

1.4   Il-Kumitat iqis li l-iżvilupp ta’ djalogu soċjali strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali huwa indispensabbli u jissuġġerixxi li l-Komunità tiffinanzja netwerk ta’ skambju tal-aħjar prattiki:

għall-iżvilupp tal-kwalifiki u l-professjonalità u r-rekwiżiti ta’ taħriġ rilevanti, li jiġu definiti permezz ta’ inizjattiva speċifika taċ-CEDEFOP;

għad-definizzjoni ta’ kondizzjonijiet ġusti tax-xogħol, tas-sikurezza u tas-saħħa, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao;

għal rappreżentanza adegwata tal-imsieħba soċjali tas-settur fil-Kumitat Ewropew għas-Servizzi tal-Manutenzjoni.

1.5   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni tal-ħaddiema u t-twaqqif u t-tmexxija korretti tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew, bl-iżvilupp ta’ eżerċizzju parteċipattiv ta’ previżjoni fis-settur, fil-livell Ewropew u bl-appoġġ tal-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi (IPTS) f’Sevilja.

1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, l-applikazzjoni tal-istandards soċjali u ambjentali Ewropej fl-akkwisti pubbliċi “ekoloġiċi u soċjali”, bl-applikazzjoni sħiħa u trasparenti tad-dispożizzjonijiet relatati, hija kondizzjoni essenzjali għal żvilupp b’saħħtu tas-settur u bil-komponenti kollha li jirrispettaw l-istandards ta’ kwalità teknika u soċjali, speċjalment fir-rigward tas-sistema tas-subappalti u tar-responsabbiltajiet, li tolqot il-katina kollha tal-provvista.

1.7   Il-Kumitat jitlob li jkun hemm spazju adegwat:

fil-programmi annwali ta’ ħidma tas-7 Programm Qafas tar-RTD,

fil-Programm multiannwali għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni,u

fil-Fondi Strutturali

għall-proġetti ta’ innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva fis-settur, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza u l-iffrankar tar-riżorsi, il-loġistika integrata u t-traċċabbiltà tal-prodotti pprovduti, anke bl-għajnuna tal-applikazzjonijiet tal-programm Galileo. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiffaċilita l-investiment, speċjalment għall-SMEs.

1.8   Il-Kumitat jitlob li l-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni jkomplu jfittxu li jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji li jkunu dejjem aktar avvanzati mil-lat ambjentali, soċjali u teknoloġiku, applikabbli għall-katina kollha tas-settur, anke fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi, u li dawn ikollhom impatt pożittiv fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati.

1.9   Fil-fehma tal-Kumitat, ikun xieraq li l-Fondi Strutturali jintużaw fil-livell regjonali biex jissaħħu b’mod innovattiv in-netwerks tad-distretti Ewropej tas-settur u jiġu żviluppati korpi bilaterali fid-dawl tal-esperjenzi pożittivi tad-diversi Stati Membri, speċjalment għal skopijiet ta’ taħriġ u edukazzjoni, anke fil-kamp lingwistiku.

1.10   Il-Kumitat iqis li d-diffużjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki huwa importanti, l-istess bħall-ħolqien ta’ entitajiet bilaterali, li jeżistu f’diversi pajjiżi u li taw riżultati tajbin fil-promozzjoni tar-riżorsi umani fis-settur.

1.11   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ kampanja Ewropea dwar is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-trasparenza ekonomika, soċjali u ambjentali fl-industrija tas-servizzi tat-tessuti u dwar il-kondizzjonijiet u l-prospetti ta’ xogħol fis-settur b’applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tan-negozjati kollettivi.

1.12   Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw qafas strateġiku għas-settur tal-industrija tas-servizzi tat-tessuti, u jisfruttaw il-kompatibbiltà sħiħa tal-iżvilupp ekonomiku, produttiv u okkupazzjonali tiegħu mal-għanijiet tat-tkabbir sostenibbli li hemm fl-objettivi 20/20/20 għall-2020.

2.   Introduzzjoni

2.1   Is-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti jinkludi firxa wiesgħa u varjata ta’ intrapriżi li fuq livell industrijali jwettqu servizzi ta’:

londri u dry cleaning industrijali kif ukoll kiri ta’ prodotti tat-tessuti lill-intrapriżi tal-manifattura u tas-servizzi kif ukoll lill-individwi;

kiri, tiswija u manutenzjoni ta’ ħwejjeġ u overalls tax-xogħol, uniformijiet u ħwejjeġ protettivi u tas-sikurezza;

ħasil, kiri, tiswija u rfinar tal-bjankerija tal-lukandi, ristoranti u kafetteriji;

ħasil, kriri, sterilizzazzjoni, tiswija u rfinar tal-ħwejjeġ u l-bjankerija tat-tobba, il-paramediċi; u l-pazjenti fl-isptarijiet, djar tal-anzjani u l-komunitajiet;

kiri, sterilizzazzjoni ta’ strumenti u tessuti kirurġiċi u l-provvista ta’ kits mediċi sterilizzati;

provvista, kiri u tiswija ta’ prodotti tat-tessuti intelliġenti li jkun hemm integrat fihom funzjonijiet user-friendly u ta’ kumdità kbira;

l-irfinar industrijali, filtri, materjal assorbenti kontra t-trab u servizzi tat-tessuti simili, għall-impjanti tal-produzzjoni u ambjenti tax-xogħol sterilizzati;

servizzi tat-tessuti marbutin mal-iġene u s-saħħa kif ukoll prodotti tat-tessuti komplementari/alternattivi;

l-irfinar u servizzi speċifiċi marbutin mas-sistema tal-moda.

2.2   Is-servizzi tal-londri industrijali huma importanti ferm għal diversi attivitajiet marbutin mal-forniment tal-ikel u t-turiżmu, bħar-ristoranti, il-lukandi, il-komunitajiet, il-vapuri tal-kruċieri, eċċ., kif ukoll biex ifornu tessuti protettivi avvanzati lil medda wiesgħa ta’ setturi tal-manifattura u dawk kummerċjali, filwaqt li jżomm rabta qawwija mat-territorju, b’riskju baxx ta’ rilokazzjoni barra mill-UE.

2.3   Is-servizzi tal-londri huma importanti wkoll għall-industrija tat-tessuti, peress li dawk li jipproduċu l-ħwejjeġ ikollhom bżonn li l-prodotti jgħaddu minn fażi ta’ testjar u ta’ ħasil qabel ma jkunu jistgħu joħorġu fis-suq. Minħabba l-ammont ta’ xogħol u l-ħtieġa assoluta li l-ħasil jagħti riżultati perfetti, is-servizzi tal-londri fl-industrija tat-tessuti jkollhom bżonn li l-intraprendituri jkollhom magni avvanzati u impjegati mħarġa professjonalment u li jaħdmu f’kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati.

2.4   Is-servizzi tal-londri industrijali għall-lukandi jikkonsistu fil-kura u l-ħasil tal-bjankerija kollha tal-lukanda, li trid tgħaddi minn ċiklu kontinwu ta’ manutenzjoni u tindif. Minħabba r-ritmu ta’ dan ix-xogħol, l-intrapriża li toffri s-servizz tal-londri trid tkun kapaċi tlaħħaq mar-ritmu mingħajr ebda tnikkir jew dewmien, permezz tal-kwalità tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-professjonalità tal-impjegati.

2.5   Mas-servizzi tal-londri ngħaqdu s-servizzi tal-kiri ta’ prodotti, li dejjem iktar huma sofistikati u li jridu jissodisfaw l-aktar rekwiżiti tekniċi u funzjonali avvanzati, kif ukoll rekwiżiti regolatorji ambjentali u tekniċi dejjem aktar stretti, b’mod partikolari għat-tagħmir protettiv u l-provvisti militari avvanzati.

2.6   L-industrija tas-servizzi tat-tessuti, komplessivament, matul dawn l-aħħar snin żviluppat sistemi importanti ta’ innovazzjoni teknoloġika kemm“BtoB” kif ukoll“BtoC” (2) kemm fil-kwalità kif ukoll fil-livelli ambjentali u tekniċi tal-provvisti tradizjonali, inklużi dawk marbutin mas-saħħa u l-iġene, lill-industrija tal-lukandi, l-isptarijiet, kif ukoll fil-provvista ta’ tessuti protettivi avvanzati jew“intelliġenti” (3).

2.7   Is-settur tradizzjonali jaħdem fuq skala importanti, għandu dħul ta’ madwar EUR 9 biljun (2007), huwa ġeografikament ikkonċentrat u ddominat minn ftit industriji multinazzjonali (4). Il-bqija tas-suq huwa fframmentat ħafna f’għad kbir ta’ intrapriżi żgħar li jaħdmu lokalment. Is-suq qiegħed jikber b’rata mgħaġġla kemm fil-provvista (madwar EUR 10 biljun fis-sena) kif ukoll fl-għadd ta’ ħaddiema (’il fuq minn 200 000).

2.8   Is-settur tal-ħwejjeġ protettivi bi prestazzjoni għolja qed jiżviluppa malajr u huwa marbut mal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ tessuti intelliġent, ibbażat fuq: materjali intelliġenti, proċessi ta’ produzzjoni avvanzati, integrazzjoni tal-funzjonijiet u kumdità kbira kif ukoll il-prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju personali. Bħalissa d-daqs tas-suq tat-tagħmir għall-protezzjoni individwali, li jinsab fl-aktar swieq mexxejja (Lead Markets) promettenti fl-UE (5) huwa stmat li jilħaq bejn EUR 9,5 u EUR 10 biljun, b’madwar 200 000 impjegat direttament jew indirettament involuti fil-prodotti u s-servizzi tat-tagħmir.

2.9   It-talba tas-suq għal dawn il-prodotti u s-servizzi tiddependi minn regolamentazzjoni aktar stretta f’dak li jirrigwarda l-livelli ta’ sigurtà personali fuq il-post tax-xogħol, prestazzjoni u rekwiżiti tas-sikurezza ogħla għall-impjegati kollha u ġestjoni aħjar tar-riskji għall-persuna, it-tixrid ta’ kultura ta’ affidabbiltà, u x-xewqa li jiġu evitati ilmenti potenzjali.

2.10   L-attenzjoni li s-settur jagħti lill-impatt ambjentali tal-proċessi u s-servizzi tat-tessuti hija importanti ħafna. L-industrija tas-servizzi tat-tessuti kellha diversi kontrolli għall-impatt ambjentali fil-forma ta’ Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (6).

3.   L-għan tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja

3.1   Din l-opinjoni għandha l-għan li teżamina l-kondizzjonijiet għal żvilupp tas-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti li:

jirrispetta l-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tar-riżorsi umani, speċjalment f’termini ta’ saħħa u sigurtà;

jibbaża fuq id-djalogu strutturat settorjali bejn l-imsieħba soċjali fil-livelli differenti;

ikun akkumpanjat minn kwalifiki u professjonalità akbar tal-impjegati u prospetti ta’ impjegar ibbażati fuq proċess ta’ taħriġ u edukattiv aktar mgħaġġel;

ħarsien akbar tal-ambjent u tar-riżorsi tal-enerġija u tal-ilma, tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja u r-riċiklaġġ tal-prodotti;

investiment fl-innovazzjoni teknoloġika, tal-loġisitika u organizzattiva f’ambjent miftuħ li jipprevjeni l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, u jiżgura ambjent favorevoli għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

jippromovi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità kif ukoll l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ livelli tekniċi u regolatorji avvanzati;

jiżgura t-trasparenza fl-akkwisti pubbliċi bir-rispett sħiħ tar-rekwiżiti ambjentali u tal-klawżoli soċjali, speċjalment fil-katina tas-subappalti;

jiżgura viżibbiltà u trasparenza akbar tas-settur li jtejbu l-immaġni tiegħu.

3.2   Fil-11 ta’ Mejju 2010, il-KESE organizza seduta pubblika fi Brussell dwar is-suġġett, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, l-intraprendituri tas-settur fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao u tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ ENTR), il-korpi bilaterali, attivi fl-attivitajiet differenti nazzjonali, kif ukoll l-intrapriżi individwali kbar produttivi jew tas-servizzi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jemmen li kondizzjoni preliminari għall-iżvilupp ta’ strateġija u ta’ pjan ta’ azzjoni fis-settur tkun it-tnedija ta’ inizjattiva pilota, fil-livell Ewropew, bl-iskop li toħloq mappa u analiżi tas-setturi differenti, li jvarjaw ħafna bejniethom, tal-industrija Ewropea tas-servizzi tat-tessuti, tad-distribuzzjoni ġeografika u tad-daqs fl-UE-27, li tikkunsidra l-element qawwi ta’ sessi u l-eżistenza ta’ settur informali li mhuwiex regolat.

4.2   Il-KESE jqis li hemm bżonn li s-settur jiġi definit aħjar biex ikun jista’ jiġi identifikat aħjar fis-sistema NACE tal-kodiċi Ewrostat biex b’hekk l-andament ekonomiku, l-investiment, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kwalifiki professjonali jkunu jistgħu jiġu segwiti aħjar.

4.3   Is-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti huwa partikolarment dinamiku u qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla u l-potenzjal ta’ żvilupp tiegħu hija marbuta mill-qrib mat-titjib fl-isfond soċjokulturali u l-kapaċità teknika u ekonomika tal-intrapriżi.

4.4   Il-KESE iqis li huwa importanti li l-korpi Ewropejta’ standardizzazzjoni jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji li jkunu dejjem aktar avvanzati mil-lat ambjentali, soċjali u teknoloġiku għas-settur, anke fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi, kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, filwaqt li jżommu l-kompetittività fuq livell dinji.

4.5   L-iżvilupp tas-settur għandu bżonn ta’ djalogu strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, li jiddefinixxi kondizzjonijiet ġusti biex tifforma bażi komuni għas-settur fl-Ewropa, b’konformità mal-implimentazzjoni tad-direttivi komunitarji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Il-KESE jqis li s-settur għandu jsir bilanċ aħjar bejn il-prinċipji tas-sodisfazzjon tal-klijent u l-motivazzjoni tal-impjegat kif jiġri f’xi industriji produttivi avvanzati.

4.6   Il-KESE jqis li l-applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija essenzjali għall-iżvilupp tas-settur, b’mod partikolari d-drittijiet tal-ħaddiema u tan-negozjati kollettivi fl-intrapriżi kollha tal-katina tal-produzzjoni u tas-servizzi tas-settur fl-UE.

4.7   Fil-fehma tal-Kumitat, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-korpi fl-Istati Membri hija s-soluzzjoni Ewropea li għandha tintgħażel permezz tal-iffinanzjar ta’ proġetti transnazzjonali Ewropej fil-qasam.

4.8   Il-ħarsien tal-ambjent irid jingħata l-ogħla prijorità minn dan is-settur industrijali bil-promozzjoni tat-tixrid tal-EMAS u l-ekotikketti kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istandards ISO 14000.

4.8.1   Id-data dwar l-industrija għall-2006 tirrappreżenta bażi tajba għad-diskussjoni u l-analiżi biex jiġi studjat l-iżvilupp tas-setturi differenti (7), iżda din għandha tiġi aġġornata almenu kull sentejn u jrid ikollha valutazzjoni tal-impatt ambjentali li tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat.

4.8.2   Hemm bżonn ta’ valutazzjoni sħiħa tal-isforz tas-settur għat-tixrid taċ-ċertifikat EN 14065 bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk is-suq ikun regolat u bis-saħħa ta’ inċentivi, anke ta’ natura fiskali, jixterdu l-aħjar prattiki b’tikketti ta’ kwalità.

4.8.3   Hemm bżonn li l-funzjonalità u ż-żamma ta’ dawn il-karatteristiċi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodott tat-tessuti jitqiesu fl-għażla ta’ liema ħwejjeġ għandu jkollhom soluzzjonijiet“full service”.

4.8.4   Il-KESE jqis li huwa importanti li s-settur jkollu sehem attiv fl-applikazzjoni tas-solventi u s-sustanzi kimiċi li jintużaw u li jidħlu fir-Regolament Komunitarju tar-REACH, kif ukoll fl-applikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-ilma.

4.9   Il-Kumitat jitlob li jkun hemm spazju adegwat fil-programm ta’ ħidma annwali tas-7 Programm Qafas tar-RTD, fil-Programm Multiannwali tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u fil-miżuri tal-Fondi Strutturali għall-proġetti ta’ innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva fis-settur, fir-rigward tal-loġistika integrata u t-traċċabbiltà tal-prodotti pprovduti, anke bl-għajnuna tal-applikazzjoni tal-programm Galileo. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiffaċilita l-investiment, speċjalment għall-SMEs.

4.10   Fl-akkwisti pubbliċi trid tingħata garanzija ta’ applikazzjoni sħiħa u trasparenti tad-dispożizzjonijiet bħala kondizzjoni essenzjali għall-iżvilupp“ekoloġiku u soċjali” tas-settur, speċjalment fir-rigward tas-sistema tas-subappalti u tar-responsabbiltajiet, li tolqot il-katina kollha tal-provvista.

4.11   Fl-innovazzjoni teknoloġika, tal-loġisitika u organizzattiva jrid jiġi garantit ambjent miftuħ li jipprevjeni l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, u jiżgura ambjent favorevoli għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

4.12   Iridu jiġu żgurati kwalifiki u professjonalità akbar tal-impjegati u prospetti ta’ impjegar ibbażati fuq proċess ta’ taħriġ u edukattiv aktar mgħaġġel, bl-iżvilupp ta’ eżerċizzju parteċipattiv fis-settur tal-previżjoni bl-appoġġ tal-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi (IPTS) f’Sevilja u miżuri tal-Fondi Strutturali biex jiżviluppaw korpi bilaterali għal skopijiet ta’ taħriġ u edukazzjoni, anke fil-kamp lingwistiku.

4.13   Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iridu jsiru waħda mill-prijoritajiet fl-iżvilupp tal-kwalità tas-settur: l-imsieħba soċjali settorjali fil-livell Ewropew iridu jiżviluppaw djalogu strutturat u jridu jsibu rappreżentazzjoni adegwata fil-Kumitat Ewropew għas-Sigurtà fil-Manutenzjoni.

4.14   Il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta kemm jista’ jkun malajr Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea ekonomika u tal-impjiegi possibbli għall-iżvilupp fis-settur tal-industrija tas-servizzi tat-tessuti biex jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-settur, b’rabta mal-inizjattiva Ewropea tas-Swieq Mexxejjas fejn is-servizzi tat-tessuti jissemmew għal potenzjal strateġiku tagħhom ta’ suċċess

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Informazzjoni addizzjonali dwar l-opinjoni, bħall-preżentazzjonijiet li saru waqt is-seduti, annessi tekniċi u riżultati ta’ stħarriġ statistiku huma disponibbli fuq is-sit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

http://www.eesc.europa.eu/sections/ccmi/Hearingsandconferences/Textile_2010/index_en.asp

(2)  Ara Servizzi kumplessif fl-Żviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa (opinjoni esploratorja) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 26-33

(3)  Ara EUROPA INNOVA – INNOVATION WATCH. Sectorial Innovation Foresight: Textile and Clothing – RAPPORT INTERMEDJU ĠUNJU 2009 p.3-4.- 9 -10.

(4)  Elis, Rentokil, Johnson Service, Davis, Alsco, HTS, eċċ.

(5)  Ara Lead Market Initiative for Europe/Mid-term progress report. SEC(2009) 1198 finali, 9.9.2009.

(6)  Ara l-anness 1 http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.textile-services-sub-sector-in-europe

(7)  Ara Nota 5.


11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/18

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   L-opinjoni fil-qosor

1.1   “Nixtieq nagħmilha ċara li b’investiment f’teknoloġiji li għandhom inqas impatt fuq il-klima u effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, inkunu qed niksbu vantaġġ ekonomiku. L-opportunitajiet huma enormi.”

Connie Hedegaard, Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima

1.2   L-ewwel parti tat-tielet millenju bdiet b’mistoqsijiet ġodda dwar il-ġejjieni tal-pjaneta. Minħabba r-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa, iż-żieda fid-domanda dinjija għall-enerġija, il-fatt li s-sorsi tradizzjonali qed jispiċċaw fi żmien relattivament qasir, il-fatt li ċ-ċittadini huma aktar konxji u qed jitolbu miżuri adegwati li jilqgħu u jtaffu l-effetti negattivi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mudell ta’ żvilupp, li jonqos il-konsum u li jiżdied l-użu ta’ sorsi alternattivi u rinnovabbli li jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-politiki Ewropej għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ Ewropa ħadra, soċjali u kompetittiva.

1.3   Il-bżonn li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u li titnaqqas id-dipendenza minn żoni politikament instabbli jew pajjiżi kompetituri, flimkien ma’ bidla progressiva fit-taħlita tal-enerġija lejn enerġiji nodfa u rinnovabbli, iwasslu biex l-ekonomija l-ħadra ġdida tkun fattur ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ tkabbir tal-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi għal bilanċ ekonomiku, soċjali u ambjentali ġdid.

1.4   L-għan ta’ din l-opinjoni għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa li janalizza l-prospetti għall-“impjiegi ħodor u sostenibbli” u jidentifika l-istrumenti adatti biex dawn jiġu appoġġjati u promossi.

1.5   Biex jitkejlu l-effetti ta’ dawn il-politiki ġodda, hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna “il-bilanċ” bejn l-impjiegi l-ġodda maħluqa u l-impjiegi l-qodma li ntilfu, jiġifieri dawk l-hekk imsejħa “impjiegi suwed” (minjieri tal-faħam, bini u manutenzjoni tal-power stations tradizzjonali, eċċ.). Dawn il-proċessi ta’ tibdil iridu jkunu akkumpanjati minn politiki mmirati għall-ħarsien tad-dħul, tat-taħriġ u tal-kwalifikazzjoni professjonali mill-ġdid. L-ekonomija ħadra ġdida trid tiġi esperjenzata mill-ħaddiema u miċ-ċittadini bħala opportunità kbira, u għandha tinkludi l-prinċipji tax-xogħol deċenti u tixpruna żvilupp soċjalment, ambjentalment u ekonomikament sostenibbli.

1.6   L-istrateġija Ewropea ta’ transizzjoni lejn politika ekonomika u industrijali bi ftit emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandha tkun ibbażata fuq djalogu bejn il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar it-tibdil ekonomiku u industrijali u dwar l-investiment fit-teknoloġiji adatti għal impjiegi ħodor ġodda u deċenti kif ukoll f’kompetenzi ħodor ġodda.

1.7   Biex din l-istrateġija tirnexxi, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-intrapriżi u l-għaqdiet tal-ħaddiema jkunu involuti fi djalogu kostanti, biex jiġi verifikat l-impatt fuq l-impjiegi u fuq is-suq tax-xogħol. Mhu ser ikun hemm l-ebda progress mingħajr l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima (CLIM) li għandu jikkoordina kemm il-politiki interni kif ukoll dawk esterni tal-Unjoni marbutin mal-fatt li jittaffew l-effetti u jsir adattament għat-tibdil fil-klima.

1.8   Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jinħoloq strument permanenti ta’ konsultazzjoni, biex jiġu antiċipati l-waqgħat mill-ġdid fit-transizzjoni soċjoekonomika, biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-kunsilli settorjali, u biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi. L-aġenzija għall-ambjent għandha tingħata r-responsabbiltà wkoll għat-“traċċabilità” effettiva tal-emissjonijiet, li tkopri kull livell tal-produzzjoni u tat-trasport, skont il-metodu LCA, b’konformità mal-istandards ISO tas-serje 14040 u kif definit fil-Green Paper COM(2001)68 finali u fil-Komunikazzjoni COM(2003) 302 finali dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti, u kif inhu ssuġġerit ukoll, almenu b’mod indirett, fir-Regolamenti Ewropej EMAS (761/2001/KE) u Ecolabel (1980/2000/KE).

1.9   L-Unjoni għandha rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-impjiegi ħodor. Mil-lat tal-investimenti, din għandha tħeġġeġ politika li tappoġġja l-attivitajiet u s-setturi, u tassumi l-impenn konġunt mal-Istati Membri għal leġislazzjoni stabbli, li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-piżijiet amministrattivi u li dejjem tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, din għandha tħeġġeġ it-tnedija ta’ programmi speċifiċi għall-appoġġ tat-taħriġ professjonali, iżda l-aktar tal-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawk il-ħaddiema mhedda mit-tibdil industrijali, li jistgħu jitilfu l-impjieg attwali tagħhom jew il-livelli tad-dħul tagħhom. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fir-riċerka u l-iżvilupp permezz ta’ inċentivi fiskali maħsuba għall-intrapriżi u l-utenti u permezz tal-użu tal-fondi mill-irkant tal-kwoti tal-ETS. B’mod speċjali f’dan il-mument ta’ kriżi, politika bħal din hija urġenti u neċessarja.

1.10   Il-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom rwol importanti x’jaqdu. Aktar minn 15 % tal-PDG tal-Ewropa jiġi mill-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Il-klawżoli preferenzjali għal oġġetti u servizzi li huma ekosostenibbli jistgħu jwasslu biex is-suq ikabbar aktar malajr l-investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika.

1.11   L-Unjoni, bħala entità sħiħa, tonfoq ftit wisq fuq ir-riċerka, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak nazzjonali: inqas minn 2 % tal-PDG, meta mqabbel mat-2,6 % tal-Istati Uniti u l-4 % tal-Ġappun. L-Ewropa għandha bżonn ta’ investimenti kbar fir-R&Ż u huwa fundamentali li din ir-riċerka tkun immirata lejn soċjetà b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

1.12   L-akbar potenzjal ta’ żvilupp jinsab fl-attivitajiet u x-xogħlijiet tradizzjonali kollha, li jistgħu isiru aktar ekoloġiċi. Għal dan il-għan, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa fundamentali. L-edukazzjoni dwar l-ambjent għall-ġenerazzjoni żgħażugħa, it-taħriġ professjonali, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni għall-intrapriżi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini huma l-ewwel passi fundamentali fil-mixja lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija ħadra ġdida. Il-KESE huwa impenjat b’mod attiv fl-appoġġ ta’ dawn l-attivitajiet permezz tal-proġett Pinokkju.

1.13   Is-settur agrikolu min-naħa tiegħu jista’ jagħti kontribut estremament importanti, kemm fit-trasformazzjoni tal-mudelli ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-iżvilupp tal-agrotisġir u fil-kultivazzjoni tal-bijomassi. L-isforzi għall-ħarsien tal-art u tal-ambjent ifissru li l-biedja u l-organizzazzjonijiet tagħha jistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ ekonomija ħadra ġdida.

1.14   Il-bijomassa hija bla dubju ta’ xejn l-iktar sors ta’ enerġija rinnovabbli importanti - id-data tal-2008 turi b’mod ċar, fil-livell Ewropew, il-prevalenza deċiżiva tas-sorsi ta’ enerġija bijoġenika fuq l-enerġiji rinnovabbli l-oħrajn kollha. Fl-UE-27, żewġ terzi tal-enerġija primarja rinnovabbli - jew 66,1 % fuq total ta’ madwar 6 200 PJ - ġew prodotti permezz tal-bijomassa.

1.15   F’dan iż-żmien ta’ diffikultajiet ekonomiċi u kapital disponibbli limitat, hemm bżonn li l-isforzi jiġu ffukati fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet, li huma kruċjali għall-Ewropa mil-lat tal-kompetizzjoni globali, għall-ħarsien tal-ambjent u biex ma jintilfux postijiet tax-xogħol fis-snin li ġejjin. L-enerġiji rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u d-djar b’emissjonijiet tas-CO2 baxxi ħafna huma l-oqsma li l-KESE jqis li huma prijoritarji.

1.16   Matul il-fażi ta’ transizzjoni, is-settur pubbliku jrid jagħti l-ikbar appoġġ possibbli lil dawn is-setturi. Il-politiki “stop-go”, qafas leġislattiv mhux stabbli u koerenti, u l-burokrazija amministrattiva huma l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-attivitajiet u ta’ impjiegi ħodor tajbin u deċenti.

2.   Daħla

2.1   Is-suq tal-enerġija

2.1.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika żgur li naqqset ir-ritmu tal-iżvilupp tal-attivitajiet marbutin mas-settur kollu tal-enerġiji ġodda.

2.1.2   Fl-2009 rajna waqgħa qawwija fit-transazzjonijiet tas-suq tal-gass u ż-żejt. Fil-fatt ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 19 %, li jammonta għal aktar minn 90 miljun dollaru (il-World Energy Outlook 2009 tal-AIE). Minkejja l-iffriżar fil-konsum, għall-2030 hija prevista żieda fid-domanda għall-enerġija ta’ madwar 40 %, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 16,8 biljun tunnellata ta’ żejt (toe).

2.1.3   Is-sorsi tal-enerġija fossili ser ikomplu jirrappreżentaw aktar minn 77 % taż-żieda fid-domanda fil-perijodu 2007–2010, filwaqt li d-domanda għaż-żejt li se tikber minn 85 Mb/d (miljun barmil kull jum) ta’ bħalissa għal 88 Mb/d fl-2015 sa 105 Mb/d fl-2030.

2.1.4   Skont il-World Energy Outlook tal-2009, it-tibdil fil-klima jista’ jingħeleb u jiġi kkontrollat, iżda biss jekk is-settur tal-enerġija jiġi ttrasformat fil-fond. Ir-rapport jipproponi l-“450 Scenario” b’azzjonijiet radikali fi skeda stretta biex fit-tul jiġu limitati l-konċentrazzjonijiet ta’ CO2 fl-arja għal 450 parti għal kull miljun u biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal madwar 2 gradi ogħla mil-livelli preindustrijali. Skont l-International Energy Agency, biex dan ix-xenarju jinkiseb, id-domanda għall-fjuwils fossili trid tilħaq il-quċċata tagħha sal-2020 u l-emissjonijiet tas-CO2 marbutin mal-enerġija jridu jinżlu għal 26,4 Gt (gigatunnellati) fl-2030 mit-28,8 Gt tal-2007.

2.2   L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

2.2.1   Il-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità enerġetika bi 3,3 % fis-sena għall-perijodu 2005–2020, u dan għandu jwassal għal iffrankar tal-enerġija ta’ 860 Mtoe per annum (miljun tunnellata ta’ ekwivalenza taż-żejt fis-sena). Din hija mira ambizzjuża, li safejn possibbli għandha tkun soġġetta għal miżuri obbligatorji. Hija mira li titlob investimenti sostanzjali, li min-naħa tagħhom għandhom iwasslu għal iffrankar kbir, li l-Kummissjoni tikkalkula li hu madwar EUR 100 miljun fis-sena (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Pjan ta’ Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: it-twettiq tal-potenzjal, COM(2006) 545 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

2.2.2   F’diversi opinjonijiet il-KESE stqarr li hu favorevoli ħafna għall-inizjattivi Ewropej għat-tixrid tal-programmi dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (1). B’xorti ħażina, huwa nnota wkoll nuqqas ta’ entużjażmu simili min-naħa tal-Istati Membri (2). Il-KESE jtenni li “wieħed mill-aspetti tal-politiki ekoloġiċi li sikwit jiġi injorat huwa l-benefiċċju ekonomiku tagħhom”. Iżda fir-realtà “l-ekonomija ħadra” hija waħda mill-mezzi biex tintemm il-kriżi dinjija u l-forom emerġenti tagħha qed jiġġeneraw opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda. Il-Kummissarju Dimas iddikjara li “l-investimenti ħodor” se joħolqu żewġ miljuni impjiegi fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk “l-ekonomija ħadra” mhijiex lussu. (3)

2.2.3   Il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tniedi reviżjoni tal-istrateġija għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-progress li tkejjel s’issa ma ġabx il-benefiċċji mistennija. L-istabilizzazzjoni relattiva tal-prezz taż-żejt, li minn prezz rekord ta’ $147,27 fil-11 ta’ Lulju 2008 għadda għal medja ta’ $53,56 fl-2009 (fl-2008 kien ta’ $91,48 il-barmil) (WTRG Economics), żgur li ma għenitx l-investimenti.

2.2.4   Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar u tal-uffiċċji, li ser twessa’ konsiderevolment ir-rekwiżit biex isir xogħol strutturali fuq djar ġodda u fuq dawk li jridu jinbnew mill-ġdid, kif ukoll ir-regolamenti dwar l-emissjonijiet tal-karozzi u l-leġislazzjoni pendenti dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief tat-trasport, jitolbu sforz kbir mill-industrija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-emissjonijiet previsti, li mbagħad jiġu tradotti fi profitt notevoli fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u b’hekk jitnaqqas il-konsum.

2.2.5   Ir-rapport tal-EurObserv’ER tal-2009 (EurObserv’ER 2009 - The State of Renewable Energies in Europe. 9th EurObserv’ER Report) analizza l-effetti diretti fuq l-impjiegi kkawżati mid-diversi teknoloġiji marbutin mal-enerġiji rinnovabbli f’14-il Stat Membru tal-UE (il-Ġermanja, Franza, Spanja, id-Danimarka, l-Isvezja, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Lussemburgu). Fl-2008, permezz tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli nħolqu jew inżammu total ta’ 660 000 post tax-xogħol. Fost dawn, aktar minn 42 % (madwar 278 000) ġejjin mis-sorsi tal-enerġija bijoġenika (aktar speċifikament, il-bijomassa). L-investiment fil-bijomassa jġib miegħu xogħol għal tul ta’ żmien, tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-Ewropa u titjib sinifikanti fil-livell tal-emissjonijiet tas-CO2.

3.   Il-kriżi u l-impjiegi ħodor

3.1   Il-kriżi ekonomika tat daqqa ta’ ħarta lill-finanzi pubbliċi. Id-defiċit aggregat taż-żona tal-euro kien ta’ 6,4 % fl-2009 u ġie stmat mill-Kummissjoni għal 6,9 % fl-2010. Dan ifisser li se jkun hemm bżonn ta’ pjani ta’ tnaqqis tad-dejn ħorox biex fi żmien qasir il-livelli tad-defiċit jitnaqqsu għal-livelli tat-trattat ta’ stabbiltà. Il-KESE javża li m’għandux ikun hemm retorika u nuqqas ta’ azzjoni politika meta niġu għall-ixprunar tat-tkabbir aħdar.

3.2   Ir-riżorsi disponibbli biex jitkomplew il-pjani ta’ inċentivar tal-enerġiji rinnovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija qed ikomplu jonqsu. L-Istati Membri għandhom jallokaw aktar mill-50 % previst tad-dħul mill-irkant tal-ETS għall-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli fil-mobbiltà sostenibbli u għat-trasport inġenerali.

3.3   Hemm ir-riskju li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiġi perċepita b’mod ħażin li hi limitata biss għat-tnaqqis fil-konsum. Irid jitqies ir-ritorn enerġetiku mill-investimenti (EROI), filwaqt li l-kunċett tas-sostenibbiltà jrid jintrabat ma’ dak tal-iżvilupp, jiġifieri ekonomija ġdida li ma timmirax għal “riċessjoni sostenibbli” u “qgħad kompatibbli” li bla dubju jwasslu għal tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies, mingħajr ma jġibu magħhom tibdil importanti għas-saħħa tal-pjaneta.

3.4   Barra minn hekk, l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, qed jiffaċċjaw tnaqqis qawwi fl-aċċess għall-finanzjament. Inqas riżorsi disponibbli għall-attivitajiet ordinarji jagħmluha kważi impossibbli li jsiru investimenti fir-ristrutturar li xi kultant ikun jiswa ħafna flus u li d-dħul minnu jasal biss wara ftit snin. Hemm bżonn ta’ politiki mmirati ta’ appoġġ.

3.5   Fil-preżentazzjoni tal-fehma tagħha dwar inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni (Duncan Campbell, Director, Department Of Economic and Labour Market Analysis), l-ILO pproponiet definizzjoni:

“L-impjiegi ħodor jistgħu jiġu definiti bħala dawk li jnaqqsu l-impatt ambjentali billi:

inaqqsu l-konsum tal-enerġija, tal-ilma u tal-iskart,

jiddekarbonizzaw u jiddematerjalizzaw l-ekonomija,