ISSN 1725-5198 doi:10.3000/17255198.C_2011.044.mlt |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 54 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 |
|
2011/C 044/01 |
||
2011/C 044/02 |
||
2011/C 044/03 |
||
2011/C 044/04 |
||
2011/C 044/05 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali |
|
2011/C 044/06 |
||
2011/C 044/07 |
||
2011/C 044/08 |
||
2011/C 044/09 |
||
2011/C 044/10 |
||
2011/C 044/11 |
||
2011/C 044/12 |
||
2011/C 044/13 |
||
2011/C 044/14 |
||
2011/C 044/15 |
||
2011/C 044/16 |
||
2011/C 044/17 |
||
2011/C 044/18 |
||
2011/C 044/19 |
||
2011/C 044/20 |
||
2011/C 044/21 |
||
2011/C 044/22 |
||
|
III Atti preparatorji |
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 |
|
2011/C 044/23 |
||
2011/C 044/24 |
||
2011/C 044/25 |
||
2011/C 044/26 |
||
2011/C 044/27 |
||
2011/C 044/28 |
||
2011/C 044/29 |
||
2011/C 044/30 |
||
2011/C 044/31 |
||
2011/C 044/32 |
||
2011/C 044/33 |
||
2011/C 044/34 |
||
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/01
Relatur: is-Sur OLSSON
Nhar it-23 ta' Frar 2009, is-Sinjura Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar
Kif jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jemmen bil-qawwi li sħubija ġenwina u li tidħol fil-fond ittejjeb sostanzjalment l-effettività u s-suċċess ġenerali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. Is-sħubija hija għodda għall-iżvilupp sostenibbli, ekonomiku u soċjali: permezz tagħha l-fondi tal-UE jwieġbu għall-bżonnijiet tal-atturi fil-prattika; hija ttejjeb il-profil tal-UE; u ssaħħaħ id-demokrazija. Sħubija li tirnexxi għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta' parteċipazzjoni ġenwina li tipprovdi opportunitajiet indaqs biex l-imsieħba privati jkun jista’ jkollhom rwol attiv maġenb l-awtoritajiet pubbliċi. HEMM BŻONN TAŻ-ŻEWĠ NAĦAT.
1.2 Ir-regolamenti attwali jħallu wisq lok għal interpretazzjoni nazzjonali tal-kunċett ta' sħubija. Hemm bżonn li dawn ir-regoli jissaħħu, speċjalment l-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali 1083/2006. Għall-ġejjieni, il-KESE qed jipproponi għadd ta' tibdil għall-mod kif inhu mqiegħed il-kliem f’dak l-Artikolu, biex b’hekk jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sħubija.
1.3 Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar sar wieħed iffukat aktar fuq il-proċeduri, u għalhekk, inqas fuq ir-riżultati. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu u ħafna aktar proattiv bħala l-għassies tal-prinċipju tas-sħubija. Flimkien mal-Istati Membri, ir-reġjuni kif ukoll is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ it-tixrid tal-prinċipju bbażat fuq il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni.
1.4 Il-bini tal-kapaċità kontinwu tal-imsieħba huwa kruċjali: ir-riżorsi tal-għajnuna teknika għandhom ikunu disponibbli għall-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-programmi operattivi kollha.
1.5 Il-KESE jisħaq li l-għotjiet globali huma strument effikaċi ħafna biex tintlaħaq parteċipazzjoni ġenwina mill-imsieħba - b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-ekonomija soċjali - u għalhekk għandhom jintużaw b’mod wiesa’ mill-Istati Membri kollha, kemm fil-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kif ukoll tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
1.6 Il-KESE jirrakkomanda wkoll li mmorru lura għal programmi ta' inizjattiva Komunitarja semplifikati mmirati lejn l-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp lokali.
1.7 Għall-politika ta' koeżjoni tal-UE ta' wara l-2013, l-istrutturi tal-programmi u r-regolamenti għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija. Dan huwa konformi mar-Rapport ta' Barca, li jiffoka sew fuq ir-rabta bejn “approċċ ibbażat fuq il-post” u s-sħubija, u li huwa partikolarment rilevanti għall-FEŻR u għandu jagħmel parti mill-istrateġija tal-Ewropa 2020.
1.8 Sabiex jiġi żgurat involviment ikbar mis-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni, fil-livell Ewropew għandha tiġi stabbilita Kodiċi ta' Prattika Tajba, bi ftehim bejn l-imsieħba Ewropej adatti.
1.9 Is-semplifikazzjoni hija essenzjali sabiex jittejjeb l-impatt pożittiv tal-programmi, speċjalment tal-proġetti li jinvolvu atturi żgħar. Il-kontrolli fuq il-proġetti jridu jkunu bil-qies. Il-pagamenti finanzjarji lil dawn it-tip ta' atturi għandhom ikunu ffaċilitati aħjar u jitħaffu permezz ta' prefinanzjament u pagamenti li jsiru fil-ħin.
1.10 Il-KESE huwa konxju ħafna li ma jistax ikun hemm soluzzjoni waħda li taqbel għal kulħadd. Madanakollu, il-prattika tajba tista’ u għandha tixxerred b’mod wiesa’. Din il-prattika tajba ġiet identifikata u deskritta fl-anness għal din l-opinjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja t-tixrid tagħha.
1.11 F’ħafna Stati Membri, ir-reġjuni għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija. Għalhekk, il-KESE qed jipproponi li r-reġjuni li jkunu jixtiequ jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jxerrdu l-prattika tajba, iwaqqfu netwerk ta' “reġjuni ta' eċċellenza fis-sħubija” u jemmen li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun il-mentor adegwat għal dan in-netwerk.
2. Daħla
2.1 Fi Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-KESE biex ifassal opinjoni esploratorja dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, fuq il-bażi ta' prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”; l-opinjoni għandha wkoll “tgħin fit-tħejjija tal-politika ta' koeżjoni futura”. Il-KESE ntalab jagħti ħarsa b’mod speċjali lejn l-aspetti tas-sħubija u tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni. Madanakollu, din l-opinjoni ma tkoprix is-sħubija “vertikali” fis-settur pubbliku, jiġifieri bejn il-Kummissjoni tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali, lokali u awtoritajiet pubbliċi oħra.
2.2 Din l-opinjoni bbenefikat mill-kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni. Sar ħafna xogħol fuq il-post mir-relatur, bl-involviment tal-membri tal-KESE, il-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu identifikati u dokumentati l-prattiki tajbin. Saru seduti f’Katowice, Porto u Schwerin, u ġew organizzati żjarat f’diversi Stati Membri oħrajn. Ingħatat ukoll għajnuna imprezzabbli mill-Parlament Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni.
3. Il-prinċipju tas-sħubija u kif żviluppa
3.1 Il-prinċipju tas-sħubija huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika ta' koeżjoni tal-UE. L-ewwel għeruq jinsabu fit-Trattat ta' Ruma tal-1957, meta twaqqaf il-Fond Soċjali Ewropew. Fl-1988, sar pass ieħor meta l-prinċipju ġie stabbilit bħala strument komuni għall-fondi strutturali. Fil-bidu, is-sħubija ffukat biss fuq l-atturi soċjali u ekonomiċi tradizzjonali; illum tinkludi “kwalunkwe korp ieħor kompetenti li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa” (1). Din l-evoluzzjoni tirrifletti l-għan strateġiku tal-UE għal governanza tajba, li dan l-aħħar ittenniet fil-viżjoni Ewropa 2020.
3.1.1 L-Artikolu 11 tar-regolament ġenerali huwa importanti ħafna fid-definizzjoni tal-ambitu u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija. L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-imsieħba rilevanti fl-istadji differenti tal-programmazzjoni. Barra minn hekk, huma għandhom jaħtru lill-aktar imsieħba rappreżentattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fis-setturi ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew setturi oħra “skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali”. Kull sena l-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew.
3.2 Ir-regolament jipprevedi “għotjiet globali”; l-amministrazzjoni ta' fondi bħal dawn tista’ tiġi fdata f’idejn korpi intermedji, inklużi korpi għall-iżvilupp reġjonali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi (Artikolu 42).
3.2.1 Il-miżuri għall-għajnuna teknika jistgħu jiġu mmirati għall-imsieħba kollha, il-benefiċjarji tal-fondi u l-pubbliku ġenerali. L-informazzjoni, in-netwerking, is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi huma tali miżuri (Artikoli 45-46).
3.3 L-Artikolu 163 tat-TFUE u l-Artikolu 104 tar-Regolament tal-Kunsill li ssemma qabel jagħtu rwol partikolari lill-imsieħba soċjali għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fl-amministrazzjoni tal-FSE, il-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitat magħmul minn rappreżentanti mill-gvernijiet, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem.
3.4 Għall-FSE, is-sħubija tiġi żviluppata fir-Regolament (KE) 1081/2006.
3.4.1 Saret enfasi partikolari fuq il-governanza tajba, is-sħubija, it-tisħiħ tal-kapaċità u l-lezzjonijiet li ħadna mill-programm EQUAL, u dawn għandhom jiġu promossi bl-involviment tal-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra (Preambolu u Artikolu 5).
3.4.2 Il-FSE għandu jippromovi s-sħubijiet, il-patti u l-inizjattivi permezz ta' netwerking tal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali (Artikolu 3.1e). Dan għandu jkun appoġġjat bit-tisħiħ tal-kapaċità (Artikolu 3.2b).
3.4.3 Il-FSE jimmira partikolarment li jsaħħaħ l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali fir-reġjuni ta' konverġenza. L-NGOs b’mod speċjali għandu jkollhom rwol attiv fil-programmi għall-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs (Artikolu 5).
3.4.4 Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet innovattivi fil-kuntest tas-sħubija (Artikolu 7).
3.5 Għall-kuntrarju tar-regolamenti tal-FSE jew tal-FAEŻR, ir-Regolament (KE) 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ma fih l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sħubija. Il-KESE jħoss li l-FEŻR għandu jbiddel id-direzzjoni tiegħu biex jikkonċentra iktar fuq l-intrapriżi ż-żgħar, l-innovazzjoni u l-iżvilupp lokali li jkun juża l-istrumenti li jiffavorixxu s-sħubija (bħal miżuri mmirati, għotjiet globali) għal dan.
4. Is-sħubijiet fil-prattika
4.1 Il-fatturi għas-suċċess u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni attribwiti lill-prinċipju tas-sħubija jistgħu jitqassru hekk:
— |
Jinġabru fehmiet u għarfien differenti biex jitfgħu d-dawl fuq ir-realtajiet tal-post. |
— |
Hemm rispons aħjar għall-ħtiġijiet u l-perspettivi tal-imsieħba. |
— |
Bis-saħħa tal-ħidma fil-livell lokali, l-azzjonijiet jistgħu jiġu adattati aħjar għar-realtajiet tan-negozji, il-ħaddiema u ċ-ċittadini inġenerali. |
— |
L-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali ser jingħataw iktar importanza fil-programmi. |
— |
Il-valur miżjud mill-politiki integrati ser joħroġ iktar fid-dieher. |
— |
Is-sħubija hija strument ċentrali ta' impenn kollettiv u tikkontribwixxi għal effiċjenza aħjar tal-infiq pubbliku u tal-politiki pubbliċi. |
— |
L-imsieħba ser iressqu l-politika ta' koeżjoni tal-UE eqreb taċ-ċittadini. |
4.2 Minkejja dan, sħubija li tirnexxi tistrieħ ħafna fuq kemm it-tradizzjoni tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni hija parti mill-kultura nazzjonali u politika. Meta dan ikun il-każ, l-imsieħba jkunu involuti aktar u jkunu kapaċi jsawru, u saħansitra jimplimentaw, programmi u proġetti.
4.3 L-esperjenza turi li b’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija tidher li tjiebet matul is-snin, anki jekk il-valutazzjoni tiegħu tvarja bejn l-imsieħba. Għad hemm ostakli li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u xi kultant anke fi ħdan l-istess pajjiż. Minkejja dan, f’xi Stati Membri l-perċezzjoni tas-soċjetà ċivili hija li kien hemm xi xkiel meta mqabbel mal-perijodu ta' programmazzjoni 2000-2006.
4.4 F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni saret aktar iffukata aktar minn qatt qabel fuq il-formalitajiet u r-rekwiżiti tal-awditjar. Hemm inqas lok għall-intrapriżi ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti. Ir-riżorsi adegwati għall-appoġġ ta' proġetti żgħar tista’ tgħid li sparixxew. Programmi ta' inizjattiva Komunitarja tneħħew u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma rnexxilhomx jintegrawhom.
4.5 Għadna naħsbu fis-sħubija b’mod formali: ta' sikwit ikun hemm nuqqas ta' fiduċja bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba għax ma jkollhomx viżjoni komuni jew ċara dwar l-użu tas-sħubija tagħhom. M’hemmx fehim ċar ta' x’inhi soċjetà ċivili organizzata u tar-rwol tagħha; dan huwa msaħħaħ permezz tar-regoli mċajpra tar-Regolament u tal-awtoritajiet li jħarsu lejn is-sħubija bħala piż żejjed. Jinxteħet id-dubju fuq il-leġittimità u r-rappreżentattività tal-imsieħba u tqum il-biża’ li konsultazzjonijiet żejda u li jaħlu ħafna ħin jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi.
4.6 Għaldaqstant, il-proċeduri ta' konsultazzjoni ta' spiss ma jkunux adegwati, ikunu burokratiċi ż-żejjed, tekniċi wisq u l-imsieħba ma jingħatawx biżżejjed ħin. Hemm lakuna kbira ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-imsieħba. Ta’ spiss, l-imsieħba ma jiġux involuti ħlief parzjalment fil-mod kif titfassal u kif tiġi implimentata l-politika. Jekk l-imsieħba ma jingħatawx attenzjoni, dan ikun ifisser li ħadd mhu qed jismagħhom. Hemm ukoll ċerta reżistenza lejn modi ta' ħsieb ġodda u ideat innovattivi. Ir-regoli attwali u l-implimentazzjoni tagħhom ma ġewx adattati għall-promozzjoni tas-sħubija. Minħabba f’hekk, l-imsieħba jaqtgħu qalbhom milli jieħdu sehem u milli jimpenjaw lilhom infushom.
4.7 Sabiex jaqdu r-rwol tagħhom ta' msieħba, għadd kbir ta' imsieħba soċjoekonomiċi u NGOs għandhom bżonn ta' għarfien, organizzazzjoni, kapaċità professjonali u riżorsi finanzjarji adegwati. Huwa partikolarment diffiċli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar biex jieħdu sehem b’mod sħiħ.
4.8 Stħarriġ tal-BusinessEurope juri titjib sostanzjali għall-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013 meta mqabbel ma' dak ta' qablu, minħabba li l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet kellhom aktar esperjenza, kien hemm aktar trasparenza fid-diskussjonijiet, il-konsultazzjoni ġiet organizzata aħjar u l-proċeduri ta' implimentazzjoni kienu aħjar ukoll. Ġeneralment l-involviment jinħass li huwa aktar sodisfaċenti fil-livell nazzjonali milli fil-livell reġjonali. Żgur li hemm bżonn ta' titjib f’dawk l-Istati Membri li saru membri tal-UE dan l-aħħar, iżda dan jgħodd ukoll għal pajjiżi li ilhom ħafna membri fl-UE. Il-BusinessEurope jenfasizza l-lakuna li jħalli proċess ta' konsultazzjoni qasir u d-dewmien kbir fl-implimentazzjoni tal-programm u qed jitlob feedback aħjar mill-proċess ta' konsultazzjoni.
4.9 L-UEAPME tiffavorixxi approċċ minn isfel għal fuq u ta' “aħseb fiż-żgħir l-ewwel”, adattat għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u l-komunitajiet lokali. Is-sħubija għandha tiġi żviluppata fi ħdan qafas ta' governanza f’diversi livelli u b’diversi atturi. Il-UEAPME tenfasizza l-kunċett ta' sussidjarjetà orizzontali bħala fattur għas-suċċess jiġifieri, li l-imsieħba soċjoekonomiċi jiġu involuti b’mod simultanju fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Ir-regoli amministrattivi u finanzjarji jridu jiġu ssemplifikati, u hemm bżonn li l-pagamenti li jingħataw minn qabel ikunu ikbar, l-istess bħall-għotjiet globali, li huma ferm effettivi. Skont il-UEAPME, hemm reġjuni li l-intrapriżi żgħar tagħhom jieħdu biss 1-2 % tal-fondi disponibbli tal-UE. Biex ikollhom aċċess għall-fondi, l-SMEs iridu jaħdmu fi sħubija u permezz ta' organizzazzjonijiet intermedji. L-għajnuna teknika hawnhekk hija indispensabbli. Il-UEAPME qed titlob li l-Kummissjoni tippubblika vademecum dwar kif jistgħu jintużaw il-fondi.
4.10 Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) temmen li ma tantx sar progress fl-aħħar perijodu ta' programmazzjoni. Hija tappella li jsiru regoli ċari għad-definizzjoni ta' sħubija fir-Regolament u titlob għal rekwiżiti minimi. Il-kwalità tas-sħubijiet tiddependi ħafna mir-rieda tal-awtoritajiet li jimplimentaw il-prinċipju. L-ETUC taqbel li s-sħubijiet nazzjonali u reġjonali qed jaħdmu aħjar mis-sħubijiet lokali. Huwa importanti li tinqasam l-esperjenza. Il-programmi ta' kooperazzjoni interreġjonali għandhom jissaħħu b’mod partikolari permezz tal-involviment tal-Kunsilli tat-Trejdjunijns Interreġjonali. L-ETUC ippubblikat ktejjeb ibbażat fuq l-esperjenzi prattiċi tal-membri tagħha dwar kif it-trejdjunjins jistgħu jaħdmu bil-Fond Soċjali Ewropew.
4.11 Fi Frar 2010, l-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC, BE, CEEP) ippubblikaw rapport konġunt dwar il-FSE. Il-konklużjoni ewlenija kienet li t-tisħiħ tal-kapaċità huwa kruċjali biex tittejjeb l-effettività tal-Fond. Ostakli oħra li ssemmew kienu r-riġiditajiet amministrattivi u n-nuqqas ta' fehim tal-kunċett tas-sħubija f’ċerti Stati Membri. L-imsieħba soċjali jappellaw għal sħubija aktar b’saħħitha bejniethom u l-awtoritajiet reġjonali/lokali.
4.12 In-Netwerk Ewropew Kontra l-Faqar (EAPN) jissuġġerixxi li l-konsultazzjoni għandha tkun wiesgħa u tidħol fil-fond, u tkopri tipi differenti ta' organizzazzjonijiet bl-użu ta' diversi metodi. L-ispejjeż għall-parteċipazzjoni għandhom jinġabru kollha u l-laqgħat għandhom isiru b’mod frekwenti biżżejjed. Għall-EAPN huwa importanti li jiġu integrati l-lezzjonijiet mill-EQUAL fil-Fond Soċjali Ewropew, b’enfasi fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni, is-sħubija, l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-transnazzjonalità. Għandu jinstab aktar spazju għal proġetti żgħar bħal fil-perijodu ta' programmazzjoni ta' qabel.
4.13 Il-European Citizens Action Service (ECAS) jipproponi li l-Istati Membri u r-reġjuni jfasslu pjan għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tal-programmi u l-proġetti tagħhom. Dawn il-pjani għandhom jiġu ppubblikati u evalwati fil-qafas tal-governanza f’diversi livelli u s-sħubija li tgħaqqad flimkien lill-mexxejja lokali. L-ECAS jissuġġerixxi li għandha titwaqqaf komunità ta' prattiki mir-reġjuni li jridu jassumu rwol ta' mexxejja fir-rigward tal-qsim tal-esperjenzi.
4.14 F’rapport ippubblikat fl-2008 mis-CpKP tar-Repubblika Ċeka, l-NGOs mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant analizzaw is-sħubija tal-gruppi tal-pjattaforma Futur Sostenibbli f’sitt pajjiżi (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) u kkonkludew li l-ikbar kwistjoni hija l-kapaċità limitata tal-NGOs. Is-CpKP sab ukoll li m’hemmx wisq appoġġ għas-sħubija. L-NGOs għandhom bżonn jedukaw lill-esperti u lill-maniġers tagħhom permezz ta' għajnuna teknika għall-programmi. Din l-għajnuna normalment tintuża direttament mill-amministrazzjoni pubblika. Il-proċess tal-għażla għall-parteċipazzjoni fil-kumitati għall-monitoraġġ u korpi oħra għandu jsir b’aktar għaqal.
4.15 Rapport tal-Parlament Ewropew (2) ibbażat fuq studju tal-każijiet jgħid li huwa importanti li l-governanza titressaq f’livelli territorjali aktar ’l isfel, kif inhu importanti wkoll li jinħolqu pjattaformi intermedji jew korpi għall-koordinazzjoni u netwerks informali. Huwa jirrakkomanda wkoll li titnaqqas il-kumplessità tal-programmi. It-tagħlim dwar il-politiki u t-tisħiħ tal-kapaċità għandhom jiġu organizzati permezz ta' miżuri speċifiċi bħad-diskussjonijiet strateġiċi, l-azzjonijiet transnazzjonali, l-istrutturi ta' appoġġ u t-tixrid tal-prattiki tajbin.
5. Kummenti ġenerali
5.1 Il-KESE huwa konvint, u fil-fatt ressaq l-argument iktar minn darba fl-opinjonijiet tiegħu, li s-sħubija li jkollha karattru ġenwin u profond twassal għal użu iktar immirat u effettiv tal-fondi strutturali u b’hekk għal proġetti li jirnexxu. Is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq perspettiva fit-tul ta' parteċipazzjoni ġenwina li tipprovdi opportunitajiet indaqs għall-imsieħba privati biex jieħdu sehem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi. Is-sħubija ġenwina toħloq sitwazzjoni ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet interessati kollha.
5.2 Iċ-ċittadin għandu jkun fil-qalba ta' kull politika Komunitarja. Għalhekk, is-sħubija fil-kuntest tal-fondi strutturali għandha tirrifletti approċċ minn isfel għal fuq u tipprovdi opportunitajiet għaċ-ċittadini kollha u l-organizzazzjonijiet tagħhom biex isiru involuti fil-politika ta' koeżjoni u l-proġetti li tiffinanzja. Fejn il-prinċipju tas-sħubija jiġi applikat b’mod mifrux fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, dan iwassal għall-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-politika ta' koeżjoni, u b’hekk tissaħħaħ id-demokrazija.
5.3 Il-proċess biex tinkiseb kultura ta' sħubija ġenwina huwa proċess ta' tagħlim. Dan ifisser li l-imsieħba jingħataw is-setgħa u li jinħolqu opportunitajiet indaqs għall-imsieħba kollha biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni. L-evidenza turi li r-riżorsi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet kellhom rwol kruċjali biex is-sħubija ssir iktar effiċjenti. Għalhekk, riżorsi bħal dawn għandhom jintużaw għall-imsieħba kollha, kemm privati u kemm pubbliċi u fil-programmi operattivi kollha – mhux biss fir-reġjuni tal-konverġenza. Hemm bżonn qawwi li jsir iktar “taħriġ konġunt” bejn l-imsieħba pubbliċi u privati.
5.4 Jeżisti żbilanċ bejn l-imsieħba fil-kuntest tal-influwenza u l-poter, l-aċċess għall-informazzjoni, il-mezzi finanzjarji, il-kapaċità professjonali, eċċ. Hemm bżonn kbir li wara l-2013 jiġi stabbilit qafas li joħloq bilanċ ġdid bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat permezz ta' mudell ta' governanza li jissejjes fuq il-prinċipju tas-sħubija fejn id-dimensjoni reġjonali u lokali, u l-atturi privati soċjali u ekonomiċi, ikunu s-sisien.
5.5 L-imsieħba privati u pubbliċi lkoll għandhom jafdaw lil xulxin u jmorru lil hinn mill-interessi partikolari tagħhom; dan jirrikjedi bidla fil-mentalità. Hemm bżonn kultura ġdida ta' djalogu, ibbażata fuq il-prinċipju “aħseb fiż-żgħir l-ewwel”, adattata għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet lokali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu miftuħa għall-kontributi pprovduti; għandhom jiġu involuti msieħba mis-settur privat, li jistgħu jiġu stimolati billi jitħalla jsir iktar kofinanzjament privat fil-proġetti. Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba għandha tintalab sa minn stadju bikri, u b’hekk jingħataw is-setgħa li jaqdu rwol deċiżiv u kostruttiv.
5.6 L-imsieħba soċjali, bħala atturi soċjoekonomiċi essenzjali, għandhom ikunu involuti flimkien ma' organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u l-NGOs. Huwa importanti li jitħeġġeġ il-pluraliżmu billi jiddaħħlu intrapriżi żgħar innovattivi, organizzazzjonijiet u atturi oħrajn li jkunu jistgħu jsiru l-protagonisti tal-ġejjieni. Madankollu, is-sħubija għandha ssir flessibbli u mmirata skont il-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi programmi.
5.7 Kif issemma hawn fuq, il-kultura politika, it-tradizzjoni u l-esperjenza jiddeterminaw kif il-prinċipju tas-sħubija jiġi implimentat fil-prattika fl-Istati Membri. Billi dawn ivarjaw ħafna f’27 Stat Membru, m’hemm l-ebda mudell uniku omoġenju adattat għall-kuntesti kollha. Għalhekk, għandu jsir skambju tal-prattiki fi proċess ta' tagħlim reċiproku. Il-partijiet interessati kollha jaqsmu responsabbiltà komuni għat-tixrid tal-prattiki tajbin u b’hekk il-fondi jkunu iktar effiċjenti.
5.8 Ir-responsabbiltajiet, id-drittijiet u l-obbligi fi ħdan is-sħubija jvarjaw skont ir-rwol u l-istatus rispettiv tal-imsieħba. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta d-dritt tal-parteċipazzjoni jiġi kkonfrontat mill-poteri tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-baġits. Minkejja dan, din id-dikotomija tista’ tingħeleb jekk l-imsieħba kollha jadottaw approċċ ta' kunsens għall-istrateġija u l-finanzjament.
5.9 Fir-Regolament attwali, huwa l-Istat Membru li jorganizza s-sħubija skont l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija b’konformità mar-regoli u l-prattiki nazzjonali. Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn qawwi u urġenti biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi Ewropej dwar kif għandha tiġi organizzata sħubija ta' standard għoli. Għalhekk, il-KESE jħoss li l-FEŻR għandu jbiddel il-fokus tiegħu biex jikkonċentra iktar fuq l-intrapriżi ż-żgħar, l-innovazzjoni u l-iżvilupp lokali, biex juża l-istrumenti li jiffavorixxu u jibbenefikaw lis-sħubija bħall-programmi mmirati, l-għotjiet globali, eċċ.
5.10 B’mod ġenerali, fil-programmazzjoni jistgħu jsiru r-riformi u dawn għandhom isiru biex tissaħħaħ is-sħubija. Dan jista’ jsir billi l-programmi jsiru iktar immirati u orjentati lejn il-problema fl-objettiv u l-iskop (pereżempju, iż-żona ġeografika, is-settur, il-kompitu).
5.11 Il-kunċett li l-istrutturi tal-programmi jiddeterminaw direttament il-prospetti għal sħubija ta' suċċess kien ċar fl-inizjattivi Komunitarji, bħal EQUAL u URBAN II, fejn is-sħubija kienet meħtieġa b’mod espliċitu. Il-fatt li dawn l-inizjattivi tneħħew jista’ jitqies bħala pass lura tal-prinċipju ta' sħubija meta mqabbel mal-perijodu ta' programazzjoni 2000-2006. Ħafna Stati Membri ma rnexxilhomx jintegraw l-esperjenza ta' EQUAL fil-perijodu attwali ta' programmazzjoni minkejja li teżisti dispożizzjoni għaliha fir-regolament tal-FSE.
5.12 Immirat lejn iż-żoni rurali, mill-bidu nett, LEADER kien minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija. Anke jekk m’għadux inizjattiva Komunitarja, għandu jiġi nnotat li l-metodu ta' LEADER huwa inkorporat kompletament bħala linja obbligatorja tal-programmi għall-iżvilupp rurali fil-perijodu attwali, kemm bis-saħħa tas-suċċess tal-inizjattiva kif ukoll għad-dispożizzjonijiet iktar stretti tar-regolament tal-FAEŻR (KE) 1698/2005, Artikolu 6. L-għan tiegħu huwa li jinvolvi u li jimmobilizza l-atturi lokali billi joħloq alleanzi territorjali għall-iżvilupp lokali endoġenu. It-twaqqif ta' sħubija lokali magħrufa bħala “grupp ta' azzjoni lokali” (GAL) huwa karatteristika oriġinali. Fil-livell lokali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-imsieħba soċjoekonomiċi u s-soċjetà ċivili huma fil-maġġoranza. LEADER huwa sostnut minn netwerks nazzjonali rurali, magħmula minn sħubija mifruxa li torbot il-proġetti lokali mal-livell nazzjonali u tal-UE.
5.13 Il-KESE jiddispjaċih li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar sar wieħed iktar proċedurali u formali u b’hekk jiffoka iktar fuq awditjar u inqas fuq ir-riżultati ta' veru. Il-KESE jtenni li r-rwol tal-Kummissjoni għandu jkun iktar b’saħħtu u proattiv fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tas-sħubija. Biex tmur lura għall-filosofija tal-politika ta' koeżjoni tal-passat, il-Kummissjoni għandha tittrasforma lila nnifisha minn sempliċement osservatur biex issir “imsieħba” ġenwina u involuta.
5.14 Il-KESE jaħseb li l-proċeduri finanzjarji u amministrattivi kumplessi relatati mal-programmi u l-proġetti tal-fondi strutturali għandhom effett li joħonqu, jiskoraġġixxu u anke jiddisswadu l-iktar lill-SMEs, il-mikrointrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali milli jibbenefikaw mill-fondi strutturali. Għalhekk għall-KESE, is-semplifikazzjoni ta' proċeduri bħal dawn, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, hija riżultat loġiku tal-bżonn li tintlaħaq sħubija ta' suċċess kif ukoll li jitħaffu l-ħlasijiet. Din hi kwistjoni ta' urġenza assoluta.
5.15 L-għotjiet globali wrew l-effiċjenza tagħhom biex l-amministrazzjoni tal-fondi tindirizza aħjar lill-benefiċjarji u l-bżonnijiet tagħhom. Għotjiet bħal dawn kienu strumentali fil-finanzjament ta' proġetti żgħar. Il-KESE jiddispjaċih li din is-sistema ixxekklet sew fiċ-ċiklu attwali meta mqabbla mal-perijodu 2000-2006. Fil-fehma tiegħu, l-Istati Membri kollha jagħmlu użu estensiv tal-għotjiet globali fiż-żewġ fondi b’responsabbiltà ġenwina mill-benefiċjarji sabiex jitwettaq il-potenzjal enormi tal-SME u l-ekonomija soċjali.
5.16 Attività iktar b’saħħitha u iktar estensiva min-naħa tal-BEI tkun kontribut pożittiv f’dan ir-rigward. Il-KESE jappella wkoll għat-tisħiħ tal-programm JEREMIE, bil-għan li jiġi xprunat l-appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet tagħhom.
5.17 Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għall-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-fondi kollha assoċjati mal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni, inklużi l-FAEŻR u l-Fond Ewropew għas-Sajd fil-Programmi Operattivi Uniċi. Integrazzjoni bħal din issaħħaħ is-sħubija effiċjenti billi l-imsieħba ġeneralment ikollhom perspettiva olisitika tal-iżvilupp. Il-KESE jemmen li hemm skop ukoll li jsiru sforzi biex ikun hemm integrazzjoni mal-politiki nazzjonali, u b’hekk ikun hemm benefiċċju doppju minn approċċ integrat fil-livell Ewropew u dak nazzjonali.
5.18 Din it-talba tikkonforma għalkollox mar-Rapport ta' Barca (3) ta' April 2009 li jenfasizza r-rwol tas-sħubija mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni tingħata rwol prinċipali fl-integrazzjoni Ewropea. Is-sħubija hija essenzjali għall-użu effettiv u tajjeb tal-fondi. Ir-rapport jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-atturi lokali fit-territorji u li ċ-ċittadini jsiru impenjati permezz tad-dibattitu pubbliku. Ir-rapport ta' Barca jissuġġerixxi li fl-2010-2012 għandu jsir dibattitu strateġiku ġenwin li jinvolvi lis-soċjetà ċivili qabel il-politika futura ta' koeżjoni għal wara l-2013.
6. Inizjattivi Ewropej għat-titjib
6.1 Il-KESE jisħaq li hemm bżonn sensiela ta' azzjonijiet obbligatorji u volontarji fil-livell Ewropew u nazzjonali sabiex tissaħħaħ u tittejjeb is-sħubija fil-fondi strutturali u sabiex tiġi estiża l-prattika tajba tas-sħubija għall-Istati Membri kollha. Il-KESE jappella sabiex id-diversi regolamenti tal-UE jiġu emendati. Barra minn hekk, hemm bżonn kodiċi ta' prattika tajba, marbuta ma' pariri iktar b’saħħithom min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
6.2 Il-KESE jipproponi li l-Artikolu 11 li jistabbilixxi l-miżuri ta' sħubija fir-Regolament ġenerali 1083/2006 għandu jiġi rivedut kif ġej (test konsolidat tal-bidliet kollha proposti huwa mehmuż fl-Appendiċi 1) biex jintuża f’Regolament ġdid fil-futur.
6.2.1 |
Wara l-kliem “skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali”, il-paragrafu 1 għandu jagħlaq bil-kliem “skont il-ftehim mal-imsieħba rilevanti”. Huwa biss billi nfittxu qbil mal-imsieħba dwar in-natura ta' dik is-sħubija li l-proċess jista’ jsir verament leġittimu u jwassal għal iktar proġetti li jsibu suċċess. Il-KESE jaqbel mad-dispożizzjonijiet li huma diġà inkorporati fil-qafas tal-Kumitat tal-FSE biex jiġi ddeterminat min huma l-imsieħba rilevanti; din id-dispożizzjoni partikolari għandha tiġi estiża għall-fondi strutturali kollha. |
6.2.2 |
Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li l-Artikolu 11 jinkorpora l-idea li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija għandha tiġi mmonitorjata b’mod konġunt mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili organizzata. Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) iservi bħala mudell eċċellenti għal dan. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tistabbilixxi l-objettivi, twaqqaf l-indikaturi u l-linji gwida, il-punt ta' referenza tal-prestazzjoni u l-iskambji tal-prattika tajba, kif ukoll l-evalwazzjonijiet li jkunu saru minn reviżjoni bejn il-pari. |
6.2.3 |
It-Trattat ta' Lisbona jagħraf l-MMK, li jinsab fl-artikoli TFUE 149, 153, 156, 168, 173 u 181. B’hekk, il-KESE jipproponi li tintuża formulazzjoni simili li għandha tiddaħħal fl-Artikolu 11: “Il-Kummissjoni tista’, f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri tieħu inizjattivi bil-għan li jitwaqqfu linji gwida u indikaturi, li jiġu organizzati l-iskambju tal-aħjar prattiki u li jitħejjew l-elementi neċessarji għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni perjodiċi.” L-organizzazzjonijiet prinċipali Ewropej li jirrappreżentaw lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem ukoll. |
6.2.4 |
Il-konsultazzjoni tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell Ewropew “għandha ssir mill-inqas darbtejn fis-sena” u għandha tinkludi wkoll l-organizzazzjonijiet kkonċernati u rappreżentattivi kkwotati fl-Artikolu 11(1)(c) kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-iżvilupp rurali sabiex tinħoloq rabta mal-FAEŻR. Konsultazzjonijiet bħal dawn diġà għandhom jiġu organizzati bħala parti minn dibattitu strateġiku ġenwin fil-livell Ewropew qabel il-politika ta' koeżjoni futura wara l-2013 (ara r-Rapport ta' Barca). |
6.2.5 |
Bl-istess mod, il-KESE jipproponi li l-proċessi partikolari ta' konsultazzjoni ta' kull fond fil-livell tal-UE għandhom jittejbu. Mingħajr ma jitnaqqas ir-rwol privileġġat tal-imsieħba soċjali, il-Kumitat tal-FSE, wara konsultazzjoni adatta, għandu jaħtar għadd limitat ta' osservaturi minn organizzazzjonijiet rappreżentattivi oħra kkonċernati. |
6.2.6 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li r-regolamenti tal-FEŻR u l-FAEŻR jiġu emendati biex jinkludu l-kunċett żviluppat fl-Artikolu 5 dwar “tmexxija u sħubija tajbin” mir-regolament tal-FSE. Il-Kumitat jipproponi wkoll li għandu jidher Kumitat ta' Sħubija fir-regolament il-ġdid tal-FEŻR. |
6.2.7 |
Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari li “għandhom jiġi allokat (sic) ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-iżvilupp tal-kapaċità” u għaldaqstant jissuġġerixxi li bħala linja gwida, 10 % tal-baġit tal-Assistenza Teknika għandu jitwarrab għall-iżvilupp tal-kapaċità u t-tagħlim fil-programmi kollha operattivi. It-taħriġ Ewropew li jkun ta' benefiċċju għal-livell lokali, u li b’hekk jiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajbin, għandu jiġi appoġġjat ukoll. |
6.3 Sabiex tinkiseb is-semplifikazzjoni meħtieġa, il-KESE huwa tal-fehma li l-awditjar u l-monitoraġġ tal-proġetti għandu jiġi razzjonalizzat. Il-ħlasijiet, il-garanziji finanzjarji u l-finanzjament minn qabel għandhom jiġu adattati u għandhom jitħaffu skont il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, speċjalment fil-każ tal-atturi ż-żgħar. L-għażliet attwali għall-prefinanzjament, minkejja għadd ta' proposti għat-titjib li tressqu mill-Kummissjoni fl-2009, ġeneralment għadhom inadegwati.
6.4 Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet minimi li jwasslu għal standard għoli ta' sħubija, il-KESE jipproponi li, flimkien mar-rappreżentanti tal-kategoriji tal-imsieħba msemmija fl-Artikolu 11, tiġi stabbilita “Kodiċi ta' Prattika Tajba” dwar l-eżerċizzju tal-prinċipju tas-sħubija, ibbażata fuq dawn il-linji gwida:
— |
mill-bidu nett, l-imsieħba pubbliċi u privati adatti għandhom jilħqu ftehim dwar pjan ta' informazzjoni/konsultazzjoni/parteċipazzjoni għall-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni b’objettivi ċari u pjan direzzjonali li għandu jiġi segwit; |
— |
l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw dwar kif ikkunsidraw il-prinċipju tas-sħubija fil-proposti u r-rapporti tagħhom u l-fehmiet tal-imsieħba għandhom jiġu dokumentati b’mod ċar u trasparenti; |
— |
is-sħubija għandha tiġi fdata bir-responsabbiltà għall-proċeduri biex tagħżel il-membri tagħha stess fil-Kumitati tat-Tmexxija (minn issa ’l quddiem KT) u korpi konsultattivi oħra stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-fondi strutturali; l-għażla għandha tkun ibbażata fuq l-interess, ir-rappreżentattività u l-ftuħ lejn atturi ġodda, dedikati u innovattivi; |
— |
l-assistenza teknika fil-programmi operattivi kollha għandha tkun disponibbli għall-imsieħba kollha għat-tisħiħ tal-kapaċità, il-koordinazzjoni u r-rappreżentanza; billi l-imsieħba stess jifformulaw u jamministraw proġetti bħal dawn; |
— |
is-sħubija għandha tkun involuta fit-twaqqif ta' kriterji għall-għażla tal-proġetti mill-bidu nett; |
— |
is-sħubija għandha tkun kriterju għall-proġetti ffinanzjati mill-fondi; |
— |
is-sħubija transnazzjonali għandha tiġi estiża; |
— |
għandhom jiġu stabbiliti indikaturi ta' ġestjoni effiċjenti mill-perspettiva tal-benefiċjarji; |
— |
għandha tiġi implimentata s-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-kontrolli; |
— |
il-ħlasijiet lill-benefiċjarji għandhom jitħaffu; |
— |
għandhom jiġu diskussi strateġiji fuq perijodu fit-tul fil-KT jew f’korpi oħra adatti marbuta mal-Oqfsa Nazzjonali Strateġiċi ta' Referenza (NSRF); |
6.5 Meta l-Programmi Operattivi jiġu riveduti matul dan il-perijodu, il-prinċipju tas-sħubija għandu jiġu osservat b’mod riġidu u jiġi enfasizzat.
6.6 Il-KESE jipproponi wkoll li r-reġjuni li jixtiequ jaqsmu l-esperjenza tagħhom u jxerrdu l-prattika tajba jwaqqfu netwerk ta' “reġjuni ta' eċċellenza fis-sħubija”. Diġà jeżistu netwerks ta' dan it-tip fi stat embrijoniku (4). Sabiex tiġi promossa inizjattiva bħal din, il-KESE jipproponi li ssir azzjoni konġunta bejnu u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jkun tassew konsulent adatt għal netwerk ta' dan it-tip.
6.7 Fl-aħħar nett, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tifforma grupp ta' ħidma magħmul mill-imsieħba kollha rilevanti fil-livell Ewropew biex jippromovi l-prinċipju tas-sħubija minn diversi perspettivi u li l-għajnuna tal-istat u r-regoli tal-akkwist pubbliku m’għandux ikollhom effetti negattivi fuq is-sħubija.
7. Prattika tajba
7.1 Matul it-tħejjija ta' din l-opinjoni, il-prattika tajba ġiet identifikata mill-perspettiva tal-involviment u r-rwol tal- mhux l-awtoritajiet pubbliċi. Il-każijiet miġbura fil-qosor fl-Appendiċi 2 huma biss kampjun. Żgur li hemm oħrajn.
7.2 Il-prattika tajba ġiet evalwata minn erba’ perspettivi: l-aċċess għas-sħubija, l-għoti tas-setgħa lill-imsieħba, is-sħubijiet tat-teħid ta' deċiżjoni u s-sħubijiet immirati.
7.3 Il-prattika tajba f’qasam wieħed ma tfissirx bilfors prattika tajba b’mod ġenerali. Mill-banda l-oħra, l-istess każ jista’ jkun prattika tajba f’żewġ oqsma jew iktar. Jeżistu xi każijiet li għandhom jiġu enfasizzati bħall-approċċ sistemiku għas-sħubija fir-Renju Unit; il-Programm li rnexxa tal-Paċi għar-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq, fejn is-sħubijiet u l-parteċipazzjoni tal-livell prattiku huma fatturi ewlenin; l-amministrazzjoni fi sħubija tal-fondi kollha (inkluż l-FAEŻR) għall-iżvilupp integrat f’Mecklenburg-Vorpommern (D), l-amministrazzjoni unika tas-soċjetà ċivili (Fundación ONCE u oħrajn) ta' programm operattiv tal-FSE (E), l-istruttura ta' appoġġ għat-tielet settur f’Wales (3-SET).
7.4 L-erba’ perspettivi ta' prattika tajba lkoll jidhru f’xi każijiet interessanti fejn il-fondi strutturali huma mmirati b’mod espliċitu bħala tweġiba għall-bżonnijiet tal-atturi lokali: is-sħubija innovattiva (trejdjunjins/kooperattivi/banek) li jamministraw l-għotja globali Esprit in Tuscany (I); l-użu strateġiku u msaħħaħ tal-għotjiet globali fi Poitou-Charentes (F); il-Patti Territorjali Awstrijaċi għall-Impjiegi u l-amministrazzjoni deċentralizzata tal-FSE f’Baden-Württemberg (D). Il-gruppi ta' azzjoni lokali f’LEADER għandhom jissemmew ukoll f’dan il-kuntest.
7.5 Proċess dinamiku ta' titjib u żvilupp tal-prinċipju ta' sħubija huwa prattika tajba wkoll. Il-Polonja hija każ partikolari fejn l-amministrazzjoni deċentralizzata tal-fondi għall-gruppi ta' ħidma li fihom l-imsieħba għandhom rwol deċiżiv għandha tiġi enfasizzata. Il-ftehim qafas nazzjonali (Protocollo d’Intesa) għar-regoli tas-sħubija fl-Italja kif ukoll is-segwitu tiegħu f’xi reġjuni, pereżempju fil-Puglia huma intenzjonijiet tajba li għandhom jiġu segwiti.
7.6 Il-KESE jinnota li ġeneralment il-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali u/jew reġjonali jiġu involuti biss parzjalment, minbarra ċ-CNEL Taljan li għandu rwol sostanzjali fit-tfassil tal-politika reġjonali u l-evalwazzjoni għall-Mezzogiorno (l-Italja t’Isfel). Il-kumitati, pereżempju fil-Portugall, fi Franza (livell reġjonali), u f’Malta, jieħdu sehem fil-fażi tal-ipprogrammar.
7.7 L-aċċess iqajjem mistoqsijiet dwar kif jintgħażlu l-imsieħba u liema jkunu. Hemm bżonn proċeduri ta' trasparenza u leġittimità biex jiġu definiti l-imsieħba. Normalment, l-għażla ma tkunx ta' problema għall-imsieħba soċjali iżda għas-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u b’mod partikolari dwar kif għandhom jiġu integrati l-gruppi vulnerabbli u marġinalizzati, pereżempju, il-persuni b’diżabbiltà, li kienu l-ħabs, ir-Roma u minoritajiet etniċi oħrajn.
7.7.1 Hija prattika tajba li r-responsabbiltà għas-selezzjoni titħalla f’idejn is-soċjetà ċivili. Insibu eżempju interessanti fir-Repubblika Ċeka (is-sistema tal-elezzjoni).
7.8 Instabu bosta eżempji tat-tisħiħ tal-kapaċità u l-għoti tas-setgħa fis-sħubijiet, pereżempju:
— |
it-tagħlim dwar id-djalogu soċjali (pereżempju, ir-Repubblika Ċeka); |
— |
it-tisħiħ tal-kapaċità professjonali fl-organizzazzjonijiet imsieħba (il-Mezzogiorno, il-Ġermanja, Spanja, Poitou-Charentes, is-Slovenja); |
— |
it-twaqqif ta' ċentri speċifiċi għall-għarfien jew “osservatorji” (“Kompetenzstellen” fil-Ġermanja, 3-SET f’Wales); |
— |
it-tħejjija ta' manwali u gwidi għall-organizzazzjonijiet tas-sħubija fil-livell nazzjonali (pereżempju, DGB Brandenburg, il-Ġermanja) u Ewropew (ETUC, EAPN, Bankwatch). |
7.9 F’xi każijiet it-teħid veru ta' deċiżjonijiet dwar liema proġett għandu jiġi ffinanzjat ġie ddelegat lill-organizzazzjonijiet fi ħdan is-sħubija. L-għotjiet globali huma biss eżempju wieħed (l-Italja, ir-Renju Unit, Franza). Il-mudell Svediż (Västra Götaland u Sħubijiet oħra tal-Fondi Strutturali) u l-programm operattiv tal-Fundación ONCE li ssemma hawn fuq huma oħrajn.
7.10 Xi programmi huma mmirati sew; skont il-ġeografija, il-gruppi, is-setturi, il-komunitajiet, il-kompiti speċifiċi, eċċ. u għalhekk normalment ikunu marbuta mill-qrib ma' grupp speċifiku ta' msieħba li jkollhom il-poter veru li jieħu d-deċiżjonijijet. Il-Programm ta' Paċi fl-Irlanda ta' Fuq u l-Forums għat-Tkabbir (id-Danimarka), iżda wkoll l-inizjattivi lokali li ssemmew fil-punt 7.4 jaqgħu taħt din il-kategorija ta' prattika tajba.
8. Bidliet proposti għall-Artikolu 11 attwali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006:
Artikolu 11
Sħubija
1. L-objettivi tal-Fondi għandhom jitwettqu fil-qafas ta' koperazzjoni mill-qrib (minn hawn ’il quddiem imsejħa “sħubija”), bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru. Kull Stat Membru għandu jorganizza, , sħubija ma' awtoritajiet u korpi bħal:
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra; |
(b) |
l-imsieħba ekonomiċi u soċjali; |
(ċ) |
kwalunkwe korp ieħor kompetenti li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili, imsieħba ambjentali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. |
Kull Stat Membru għandu jinnomina l-imsieħba l-aktar rappreżentattivi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fis-setturi ekonomiċi, soċjali, ambjentali jew oħrajn (minn hawn ’il quddiem imsejħa “imsieħba”), skond ir-regoli u l-prattika nazzjonali, b’kont meħud tal-ħtieġa tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-integrazzjoni tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent.
2. Is-sħubija għandha titwettaq f’konformità sħiħa mas-setgħat istituzzjonali, legali u finanzjarji rispettivi ta' kull kategorija ta' msieħba kif definiti fil-paragrafu 1. Is-sħubija għandha tkopri t-tħejjija, l-implementazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' programmi operattivi. L-Istati Membri għandhom jinvolvu, , lil kull wieħed mill-imsieħba relevanti, u b’mod partikolari r-reġjuni, fl-istadji differenti ta' programmazzjoni, fil-limitu ta' żmien stabbilit għal kull stadju.
3. il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-imsieħba fil-livell Ewropew dwar l-għajnuna mill-Fondi.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1083/2006 dwar il-fondi strutturali.
(2) “Governanza u sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u l-bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali”, relatur Jean-Marie Beaupuy, Parlament Ewropew li l-votazzjoni tiegħu saret fil-21.10.2008.
(3) An Agenda for a Reformed Cohesion Policy. A Place Based Approach to meeting European Union Challenges and expectations – Mejju 2009.
(4) Pereżempju Reves (sħubija bejn l-awtoritajiet reġjonali/lokali u l-ekonomija soċjali), Bankwatch Network, Iq net (awtoritajiet amministrattivi reġjonali u r-riċerka), l-inizjattiva ECAS u l-Komunità tal-Prattika li tinvolvi lill-awtoritajiet amministrattivi tal-FSE.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/10 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/02
Relatur: is-Sinjura Renate HEINISCH
F’ittra tat-18 ta' Settembru 2009, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margot Wallström, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar
Il-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’89 vot favur u 5 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet
1.1 Sabiex jiġi indirizzat l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa, fil-fehma tal-KESE jinħtieġu l-miżuri li ġejjin:
1.1.1 |
|
1.1.2 |
|
2. Kummenti ġenerali
2.1 Introduzzjoni
2.1.1 Is-soċjetà fl-Unjoni Ewropea qed tixjieħ għaliex l-għomor mistenni ta' persuna qed jitwal. Il-Eurostat ibassar li l-proporzjon ta' persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq fil-popolazzjoni ser jiżdied minn 17,1 % fl-2008 għal 30 % fl-2060. Ir-relazzjoni medja bejn il-persuni fl-età tax-xogħol (15-64 sena) u l-persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq ser tinbidel minn 4:1 illum għal 2:1 fl-2050.
2.1.2 Parti kbira mill-persuni li qed jaħdmu ser joħorġu mis-suq tax-xogħol bejn l-2026 u l-2030. B’hekk, billi r-rati tat-twelid qegħdin jonqsu, ser jiżdied in-numru ta' persuni li ma jaħdmux meta mqabbel man-numru ta' persuni li jaħdmu.
2.1.3 F’Komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni (1) ġie nnutat li l-gvernijiet għandhom biss żmien qasir biex jimplimentaw miżuri li jindirizzaw il-problemi marbuta mat-tixjiħ demografiku, qabel ma jirtiraw il-maġġoranza ta' dawk li twieldu fis-snin tal-baby boom. F’dan il-kuntest, fit-18 ta' Settembru 2009 l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja li tħares lejn kif l-isforzi tal-Istati Membri biex jindirizzaw din il-problema jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta' inizjattivi Komunitarji fil-qasam tas-saħħa. Din l-opinjoni hija bbażata fuq diversi opinjonijiet tal-KESE (2).
2.1.4 Il-Presidenzi tal-Kunsill taħt ir-Repubblika Ċeka (1 ta' Settembru 2009), l-Isvezja (2 ta' Settembru 2009) u Spanja (1 ta' Settembru 2010) inkludew it-tixjiħ b’saħħtu, dinjituż u attiv bħala prijorità fl-aġenda tagħhom.
2.1.5 Is-soċjetà u dawk responsabbli fil-qasam tas-saħħa għandhom jiżviluppaw immaġni ġdida tax-xjuħija, immaġni li hija adatta għat-tibdil demografiku u tirrispetta d-dinjità tal-anzjani.
2.1.6 Mhux it-tixjiħ tal-popolazzjoni fih innifsu li joħloq aktar spejjeż, iżda t-tixjiħ mhux b’saħħtu. Għal din ir-raġuni, f’din l-opinjoni ser jiġu rakkomandati l-aktar miżuri għal tixjiħ b’saħħtu.
2.2 L-iżvilupp ulterjuri u l-innovazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, tas-sistemi soċjali kif ukoll tas-servizzi tas-saħħa
2.2.1 L-iżvilupp demografiku jirrikjedi li s-sistemi soċjali u tas-saħħa, is-servizzi tas-saħħa u servizzi relatati oħra jkomplu jiġu żviluppati fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom, sabiex i) jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-anzjani, ii) jiġi żgurat li dawk kollha li għandhom bżonn il-kura jirċievu s-servizzi meħtieġa biex iżommu l-awtonomija u d-dinjità tagħhom, u iii) il-gruppi kollha tal-popolazzjoni, irrispettivament mill-età, mis-sess, mis-sitwazzjoni finanjzarja u mill-post fejn joqogħdu, ikollhom aċċess ugwali għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità għolja (inklużi l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni, it-trattament, ir-riabilitazzjoni u l-kura palljattiva).
2.2.2 F’dan il-kuntest m’għandhomx jitqiesu biss l-istennijiet tal-anzjani fir-rigward tas-sistemi soċjali u tas-saħħa, iżda wkoll il-fatt li n-nies jieħdu r-responsabbiltà preventiva f’waqtha għat-tixjiħ tagħhom, u b’hekk l-istennijiet tas-soċjetà rigward in-nies li qed jixjieħu.
2.2.3 Sabiex jiġu appoġġjati l-għoti tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul għall-anzjani kollha permezz tal-politika Komunitarja, l-UE għandha tagħmel lista u paragun tal-objettivi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa (3) u tan-natura vinkolanti tagħhom. Għandu jiġi determinat ukoll sa liema punt il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa jagħmlu diġà parti mis-sistemi tas-saħħa.
3. Kummenti speċifiċi
3.1 Oqsma li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari
3.1.1
3.1.1.1 Il-bniedem jibda jixjieħ b’mod kontinwu malli jitwieled. Għalhekk huwa importanti li kemm jista’ jkun il-bniedem jgħix ħajtu kollha f’kundizzjonijiet tajbin. Huwa importanti li l-bidu u t-tmiem tal-ħajja jkunu tajbin. It-tixjiħ b’saħħtu jibda ħafna qabel persuna tirtira u jiġi influwenzat, fost affarijiet oħra, mill-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol kif ukoll mir-riżorsi disponibbli. Li kieku l-bniedem isir konxju minn dan il-fatt, ikun biss loġiku li jkun irid jixjieħ b’mod responsabbli (4). It-tixjiħ responsabbli jirrikjedi t-tagħlim tul il-ħajja. Għaldaqstant, fil-qasam tal-edukazzjoni dwar is-saħħa għandhom jitfasslu strateġiji u politiki ġodda għat-tagħlim tul il-ħajja (TTĦ) fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, li jkopru kull xorta ta' tagħlim (formali, mhux formali, informali). Dan jinkludi l-livelli ta' tagħlim kollha, mil-livell ta' qabel l-iskola sat-taħriġ avvanzat. Jekk jaġixxu b’mod reponsabbli billi jieħdu sehem f’miżuri ta' prevenzjoni (ikel, sport, stil ta' ħajja b’saħħtu, il-fatt li jiġu evitati l-fatturi ta' riskju, eċċ.) u fil-promozzjoni u l-edukazzjoni dwar is-saħħa, l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu kemm jista’ jkun id-dar tagħhom u fl-ambjent soċjali li huma mdorrijin fih. Barra minn hekk, ir-rwol tat-tekonoloġiji f’dan il-kuntest għandu jkompli jiġi indirizzat u evalwat b’mod kontinwu.
3.1.1.2 Fis-sistemi tas-saħħa għandha ssir enfasi akbar fuq il-prevenzjoni. Din ma tippermettix biss li n-nies idumu aktar attivi fis-suq tax-xogħol, iżda jkunu kapaċi wkoll jadattaw ruħhom għas-suq tax-xogħol. Il-kwalità tajba tal-protezzjoni tax-xogħol u t-titjib tal-ergonomija fuq il-post tax-xogħol jistgħu jagħtu kontribut essenzjali biex jitwal iż-żmien li persuna ddum taħdem b’saħħitha, u b’hekk tkun tista’ tiġi indirizzata wkoll l-isfida demografika.
3.1.1.3 Din l-estensjoni taż-żmien li persuna ddum taħdem tista’ ssir bis-saħħa tal-adattament tal-attivitajiet għall-ħiliet u l-bżonnijiet hekk kif in-nies jibdew jixjieħu (pereżempju, jgħaddu minn attivitajiet eżekuttivi għal oħrajn ta' tħejjija, konsulenza, appoġġ, gwida u ppjanar). Dan ifisser ukoll li l-anzjani jibqgħu integrati f’kuntesti soċjali u soċjoekonomiċi għal aktar żmien, u b’hekk ikomplu jirċievu stimuli siewja ta' prestazzjoni. B’dan il-mod, ħajjiet b’saħħithom itwal jissarrfu f’aktar snin ta' sodisfazzjon u produttività. Naturalment, dan ifisser li jrid ikun hemm il-miżuri meħtieġa b’rabta mal-kwalifiki u l-akkumpanjament sabiex jinbeda u jiġi żviluppat il-proċess imsemmi hawn fuq (tagħlim tul il-ħajja, kwalifiki professjonali inkluża ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba matul il-ħajja professjonali, eċċ.). Fil-kumpaniji jrid ikun hemm miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-inċidenti bil-għan li jiġu żviluppati kundizzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom.
3.1.1.4 Wara li persuna tinqata’ mill-ħajja professjonali, l-integrazzjoni soċjali fis-soċjetà u fl-ambjent soċjokulturali hija importanti immens. Il-prevenzjoni tal-iżolazzjoni soċjali tfisser il-prevenzjoni tad-dipressjonijiet. L-anzjani jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jużaw il-ħiliet u l-esperjenzi tagħhom, pereżempju fix-xogħol volontarju. Madankollu, il-volontarjat għandu jiġi inkoraġġut sa miż-żgħożija.
3.1.2
3.1.2.1 Qed tingħata importanza dejjem akbar lill-għoti ta' servizzi tas-saħħa ffokati fuq il-pazjent u lill-garanzija tal-inklużjoni tal-pazjenti fl-iżvilupp u t-tfassil tas-servizzi tas-saħħa.
3.1.2.2 Il-mard kroniku (dijabete, rewmatiżmu, mard tal-qalb), il-mard deġenerattiv tas-sistema nervuża (dimenzja u Alzheimer), tas-sistema muskoloskeletali u tal-għajnejn kif ukoll il-kanċer jiżdiedu bl-età. Dan joħloq sfidi partikolari għall-professjonijiet tal-kura tas-saħħa, id-dijanjosi, it-trattamenti u l-għoti tal-kura tas-saħħa.
3.1.2.3 Iridu jiġu żviluppati servizzi tas-saħħa għall-kura integrata u personalizzata li jpoġġu lill-pazjent fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
3.1.2.4 Għandu jiġi inkoraġġut taħriġ aħjar u aktar speċifiku għall-professjonijiet tal-kura tas-saħħa: il-membri ta' dawn il-professjonijiet (tobba, spiżjara u persunal tal-kura) u x-xjentisti għandhom ikunu aktar konxji tal-ispeċifiċitajiet tal-mediċina ġerjatrika u għandhom ikomplu jitħarrġu b’mod kontinwu f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ speċifiku dwar l-importanza tal-miżuri tal-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni fix-xjuħija (pereżempju, prevenzjoni tal-waqgħat, nutrizzjoni sana, eċċ.).
3.1.2.5 L-iżvilupp u l-adattament tat-tipi ta' trattamenti skont l-età tal-pazjent: il-patoloġiji multipli, il-fatt li l-metaboliżmu jinbidel fix-xjuħija u, f’ħafna każi, it-trattamenti multipli jirrikjedu għarfien preċiż tal-inferenzi bejn l-organi u s-sistemi ta' ġisem l-anzjani. Dan jitlob ġestjoni partikolari tal-mediċina, u l-mediċini u d-dożi jridu jiġu magħżula u adattati skont il-metaboliżmu tal-anzjani. Il-pariri personalizzati fl-ispiżeriji pubbliċi b’testijiet tal-interazzjoni u ICT tajba fl-ispiżeriji pubbliċi li jipprovdu l-informazzjoni dwar il-mediċini u l-interazzjoni tagħhom jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti sekondarji u mhux mixtieqa tal-mediċini u biex it-trattamenti jirnexxu bl-aħjar mod possibbli.
3.1.2.6 Il-promozzjoni tal-kuntatt dirett u kontinwu bejn l-anzjani u l-professjonijiet mediċi u tal-kura: iktar kemm l-anzjani jkollhom bżonn il-kura, iktar ikun importanti dan il-kuntatt sabiex jiġi assigurat is-suċċess tat-trattament u jiġu evitati l-iżolazzjoni u d-dipressjoni.
3.1.3
3.1.3.1 Għandhom jiġu stabbiliti standards sabiex tiġi żgurata, iċċekkjata u evalwata l-kwalità tas-servizzi tal-kura. Għandha tiġi żviluppata Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Persuni li Għandhom Bżonn l-Għajnuna jew il-Kura, li fost affarijiet oħra tinkludi l-protezzjoni kontra l-vjolenzja fil-kura. Hawnhekk jistgħu jikkontribwixxu t-teknoloġiji l-ġodda (pereżempju, l-AAL), li jippermettu li persuna tibqa’ tgħix b’mod indipendenti. Madankollu, it-teknoloġiji potenzjali ġodda jridu jiġu evalwati b’mod adegwat u m’għandhom bl-ebda mod iwasslu għal inugwaljanzi ġodda fl-għoti tal-kura tas-saħħa u tal-kura fil-livell nazzjonali.
3.1.3.2 Għall-anzjani, ir-riabilitazzjoni għandha tieħu preċedenza fuq il-kura. Il-kura istituzzjonalizzata m’għandhiex issir triq b’direzzjoni waħda: għandu jkun hemm toroq biex wieħed joħroġ mill-kura u jmur lura d-dar. L-istituti attwali tas-saħħa u tal-kura ftit li xejn jissodisfawh dan il-kriterju.
3.1.3.3 L-iżvilupp ta' istituti għall-morda u għall-kura li jkunu adatti skont l-età u ta' djar alternattivi: tinħtieġ tranżizzjoni bla tfixkil u riversibbli bejn is-saħħa, il-mard, il-kura u l-ħajja soċjali, li f’każ ta' bżonn toffri għajnuna medika u kura u tħalli lill-anzjani kemm jista’ jkun f’ambjent “normali”, jiġifieri f’ambjent b’diversi ġenerazzjonijiet. Dan jitlob koordinazzjoni tajba tal-għoti tal-kura tas-saħħa u tal-kura. Fl-istess ħin, minbarra l-istituti tal-kura fit-tul, għandhom jiġu previsti ospizji għall-in-patients u għall-out-patients u istituti għall-mediċina palljattiva, u għandha titrawwem “kultura tal-ospizji”.
3.1.3.4 Għal dan il-għan għandha tinħoloq infrastruttura lokalizzata, deċentralizzata u mifruxa għall-kura fid-djar (“deistituzzjonalizzazzjoni”). Għandha tiġi promossa infrastruttura tal-kura mhux istituzzjonalizzata li tinkludi s-servizzi neċessarji kollha (il-kura tal-outpatients, il-kura fid-djar, l-għajnuna f’kompiti żgħar). Dan għandu jiġi rifless f’organizzazzjoni fil-livell reġjonali u f’finanzjament strutturali mtejjeb sabiex jiġi garantit li jkun hemm istituti u strutturi adegwati mhux biss fil-bliet iżda madwar il-pajjiż kollu.
3.1.3.5 Il-valur ta' soċjetà jitkejjel minn kif tittratta lill-anzjani. Il-volontarjat għandu importanza kbira fir-rigward tal-għajnuna u l-kura tal-anzjani. Fil-ġejjieni, kull ċittadin għandu jassumi r-responsabbiltà tiegħu, skont il-possibbiltajiet tiegħu, fir-rigward tal-morda, il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani. Però għandu wkoll jingħata kumpens għall-impenn tiegħu.
3.1.4
It-tibdil demografiku għandu jiġi inkluż fl-ipprogrammar ta' riċerka konġunta (joint research programming) tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala kontinwazzjoni tal-proġetti WhyWeAge u Futurage tas-Seba’ Programm Qafas, it-Tmien Programm Qafas għandu jagħti prijorità lill-ġerontoloġija (ir-riċerka dwar ix-xjuħija u t-tixjiħ) u r-riċerka demografika. Jagħmel sens ukoll li fil-programm “Xjenza u soċjetà” tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka jiżdied qasam bl-isem “L-anzjani u t-trasferiment tal-għarfien”. F’dan ir-rigward tinħtieġ ukoll ir-riċerka dwar l-oqsma li ġejjin:
3.1.4.1 Ir-riċerka dwar il-prevenzjoni
— |
Fil-futur x’ser ikunu l-miżuri ta' prevenzjoni sabiex tinżamm is-saħħa fuq il-post tax-xogħol? |
— |
Fit-tul x’konsegwenzi għandhom ċerti stili ta' ħajja fuq is-saħħa b’mod ġenerali u fuq mard partikolari? |
— |
Il-varji stili ta' ħajja relatati mal-ġeneru, il-kultura u l-migrazzjoni kif jinfluwenzaw it-tixjiħ b’saħħtu? |
— |
X’jista’ jsir biex jiġu evitati l-waqgħat u l-ksur tal-għadam? |
— |
Liema miżuri preventivi huma utli biex jinżammu l-kapaċitajiet fiżiċi, tas-sensi, konoxxittivi u soċjali? |
— |
In-nies kif jistgħu jiġu motivati biex iġibu ruħhom b’mod responsabbli rigward saħħithom u l-proċess tat-tixjiħ tagħhom? (Promozzjoni ta' mġiba b’saħħitha, inċentivi biex l-anzjani jużaw miżuri u faċilitajiet sabiex jibqgħu b’saħħithom). |
— |
In-nies kif jistgħu jiġu motivati jbiddlu l-imġiba tagħhom bil-għan li jadattaw ruħhom aħjar għall-ambjent soċjali? |
3.1.4.2 Ir-riċerka dwar il-mard u t-trattamenti
— |
b’rabta mal-epidemjoloġija u l-etjoloġija tal-mard relatat mal-età, sabiex jittejbu l-possibbiltajiet ta' prevenzjoni; |
— |
b’rabta mal-proċess bijoloġiku tat-tixjiħ mill-benniena sat-tebut; |
— |
b’rabta mal-patoloġiji multipli, il-mard kroniku, il-kanċer, il-mard tal-qalb, ir-rewmatiżmu u l-mard tas-sistema muskoloskeletali, it-tnaqqis tal-vista (pereżempju l-katarretti), il-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer, eċċ. Hawnhekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll it-titjib tal-possibbiltajiet ta' dijanjosi sabiex ikun hemm dijanjosi minn kmieni u b’hekk ikun jista’ jibda jingħata t-trattament malajr; |
— |
b’rabta mat-trattamenti tal-anzjani fir-rigward tal-mard speċifiku għall-età: il-proċessi bijokimiċi li jaffettwaw l-assorbiment mill-ġdid, il-metoboliżmu, l-effikaċja tal-mediċini kif ukoll il-medikazzjoni u d-doża għandhom jiġu mifhuma aħjar u jiġu kkunsidrati fit-trattamenti. F’ħafna każi ma jkunx hemm il-bażi terapewtika għal dan, billi l-provi kliniċi u t-testijiet tal-mediċini fil-parti l-kbira jsiru fuq adulti żgħażagħ biss. |
3.1.4.3 Ir-riċerka dwar il-kura
— |
Kif jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda li jaqdu l-bżonnijiet tal-anzjani? |
— |
Liema hu l-aħjar ambjent għall-għoti tal-kura u liema huwa l-aħjar mod biex tingħata l-kura? |
— |
Kif jistgħu jittejbu l-kwalifiki u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-kura, anke b’rabta mat-teknoloġiji l-ġodda? |
— |
X’kontribut jagħtu s-soluzzjonijiet tekniċi (bħar-robotika) biex jittaffa l-piż tal-qraba li jieħdu ħsieb lill-morda tagħhom u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tal-kura mingħajr ma jitnaqqsu l-integrità u d-dinjità tal-persuna li tkun qed tingħata l-kura? |
— |
L-għoti tal-kura kif jista’ jiġi adattat għall-ħtiġijiet u l-istennijiet tal-anzjani li jkollhom bżonn il-kura? |
— |
Liema kunċetti ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-appoġġ tal-kura fid-djar? Dan jinkludi wkoll l-appoġġ finanzjarju u r-rikonoxximent soċjali tal-qraba li jieħdu ħsieb il-morda tagħhom (pereżempju, il-possibbiltà ta' ftehim bejn min iħaddem u l-impjegat biex jitnaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol għal perijodu determinat ta' żmien minħabba l-kura, ir-rikonoxximent tal-ħinijiet tal-kura fl-iskemi tal-pensjoni, l-allowance għall-kura, eċċ.). |
— |
X’toroq ġodda jeżistu għat-tfassil tal-kura, it-tnaqqis tal-uġigħ u l-kura fi tmiem il-ħajja sabiex in-nies imutu b’mod dinjituż? |
3.1.4.4 Ir-riċerka dwar is-sistemi tas-saħħa
— |
Ir-riċerka dwar il-kura tas-saħħa pubblika għandha tħares lejn is-sistemi tas-saħħa u l-kura fit-tul kif ukoll lejn l-integrazzjoni tas-servizzi, u għandu jiġi żviluppat pjan direzzjonali għar-riċerka dwar it-tixjiħ. Tinħtieġ evalwazzjoni ta' jekk is-sistemi soċjali u tas-saħħa fl-Istati Membri humiex lesti għall-isfidi tat-tibdil demografiku. Pereżempju, x’enfasi qed titpoġġa fuq il-prevenzjoni? Min-nefqa fuq is-saħħa, kemm qed jintefqu flus fuq il-prevezjoni? Kemm-il persuna qed tiġi kkurata d-dar jew fl-istituti? |
— |
Kemm qed jiġu ffrankati riżorsi permezz tal-ħidma u l-kura volontarja? Mix-xogħol li jsir mingħajr ħlas, kemm minnu jsir id-dar, b’mod partikolari min-nisa? |
— |
Hemm bżonn li ssir riċerka dwar l-effetti fuq is-saħħa u l-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-saħħa elettronika fit-trattament u l-kura tal-anzjani qabel ma jiġu introdotti dawn it-teknoloġiji. Dawn it-teknoloġiji jżommu l-wegħdiet tagħhom fit-testijiet prattiċi? L-aktar gruppi vulnerabbli jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji? |
— |
Bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, għandha ssir riċerka soċjoekonomika u klinika dwar l-effiċjenza u l-effettività tal-investimenti fit-titjib tas-saħħa u l-għoti tal-kura għall-anzjani. |
— |
Kif jistgħu jittejbu dawk l-aspetti li huma komuni kemm fis-servizzi tas-saħħa kif ukoll f’dawk soċjali? |
3.1.5
3.1.5.1 Min-naħa l-oħra, flimkien mal-piż li qed jinħoloq minħabba t-tibdil demografiku hemm potenzjal kbir. Dan jikkonċerna l-aktar il-prodotti u s-servizzi ġodda għal soċjetà li qed tixjieħ. Il-fattur ekonomiku tat-tixjiħ jista’ jsir xprun ekonomiku b’aktar tkabbir u impjiegi fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa, teknoloġiji ġodda, mediċini, prodotti mediċinali, teknoloġija tal-mediċini kif ukoll b’aktar turiżmu u benesseri. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku fuq in-nefqa tas-saħħa jistgħu jkunu konsiderevoli: huwa mbassar li sal-2060 in-nefqa pubblika fil-qasam tas-saħħa fl-UE ser tiżdied b’madwar 1,5 punti perċentwali tal-PDG. Għandhom jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda u mbagħad jitpoġġew fis-suq. Il-valur li jinħoloq b’dan il-mod jiġi influwenzat mill-volum tas-suq, mill-prezz u mill-valur miżjud tagħhom.
3.1.5.2 Filwaqt li l-“ewwel suq tas-saħħa” jagħti prijorità lill-iffrankar tal-ispejjeż u fuq il-bażi ta' dan jiġi deċiż jekk l-Ambient Assisted Living (AAL) jiġix inkluż fil-katalgu ta' servizzi tal-assigurazzjoni tal-mard u/jew tal-kura, it-“tieni suq tas-saħħa” jista’ jaġixxi b’mod ħafna aktar ħieles u flessibbli f’dan ir-rigward. Hawnhekk jeħtieġ li jiġu żviluppati mudelli sostenibbli u affordabbli tal-kummerċ li jitħallsu mill-bejgħ, il-kiri jew il-leasing. Fl-istess ħin irid jiġi żgurat li t-“tieni suq tas-saħħa” jevita l-inugwaljanzi.
3.1.5.3 Il-ġbir u l-iskambju tal-għarfien soċjali u ekonomiku dwar il-konsegwenzi tal-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-kura għandhom jiġu promossi, pereżempju billi titkompla l-ħidma fuq il-proġetti pilota li għaddejjin bħalissa fil-qafas tal-Programm tal-Kompettività u l-Innovazzjoni. Fl-istess ħin għandu jiġi appoġġjat ukoll l-iskambju tal-prattiki t-tajba fl-ICT b’rabta mas-soluzzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità ta' ħajjet l-anzjani, pereżempju fil-kuntest tal-programm INTERREG u bl-użu tal-Fondi Strutturali. Din ir-riċerka għandha tevalwa l-opinjoni ta' dawk li jużaw dawn it-teknoloġiji, speċjalment dwar kemm huma faċli biex tużahom u dwar il-vantaġġi tagħhom.
3.1.5.4 Minn naħa, huwa minnu li l-progress teknoloġiku u l-metodi li ġew żviluppati reċentament għar-rikonoxximent u t-trattament bikri huma fattur ewlieni għaż-żieda fin-nefqa. Però, minn naħa oħra, jekk l-avvanzi tekniċi jiġu applikati b’mod għaqli, f’perijodu twil ta' żmien jistgħu jiġu ffrankati wkoll il-flus. Il-Valutazzjoni tat-Teknoloġiji tas-Saħħa (HTA) għandha tingħata rwol akbar sabiex jiġu determinati l-iskop tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura u sa liema punt dawn qed jiġu ffinanzjati. Għalhekk, l-introduzzjoni u l-ġestjoni effettivi tat-teknoloġiji l-ġodda huma deċiżivi għal kif tiżviluppa n-nefqa fil-futur. Però, it-teknoloġiji ma jistgħux u m’għandhomx jissostitwixxu l-kuntatt dirett bejn l-anzjani u l-persunal mediku u tal-kura. Barra minn hekk, dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu minn but kulħadd.
3.1.6
3.1.6.1 Kważi f’kull Stat Membru, l-għajnuna u s-servizzi tal-kura għall-anzjani huma ffinanzjati mis-sistemi soċjali. Dan ifisser li kull waħda minn dawn is-sistemi teħtieġ finanzjament sostenibbli u sigur.
3.1.6.2 Il-bżonn tal-kura għadu marbut mar-riskju tal-faqar, speċjalment għall-persuni rtirati b’pensjoni baxxa jew bi dħul baxx. Fl-Ewropa, ħafna nies ma jistgħux iħallsu kura adegwata fi xjuħithom. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu poloz għall-ispejjeż tal-kura fil-pajjiżi kollha tal-UE, skont l-organizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom (sistemi soċjali b’assigurazzjoni jew sistemi ffinanzjati mit-taxxi), u l-poloz li diġà jeżistu għandhom jiġu adattati għall-isfidi tat-tibdil demografiku matul l-għaxar snin li ġejjin, sabiex jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għas-servizzi tal-kura b’konformità mal-liġi Komunitarja, mad-dispożizzjonijiet leġislattivi u d-drawwiet ta' kull Stat Membru kif ukoll mal-bżonnijiet tal-individwu. Din il-polza għall-ispejjeż tal-kura m’għandhiex tkopri biss is-servizzi tal-in-patients, iżda wkoll dawk tal-out-patients.
3.1.6.3 It-trasferiment ta' parti mill-kura fit-tul lill-assigurazzjoni tas-saħħa privata għandu jsir bi ħsieb u b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, sabiex jiġi evitat li din it-tendenza tikkomplika l-aċċess għal dawn is-servizzi. Fil-futur l-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw li l-anzjani jkollhom aċċess universali għall-kura primarja u l-prevenzjoni. Dan l-objettiv ambizzjuż jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament disponibbli kollha: is-sistemi tas-sigurtà soċjali previsti fil-liġi kif ukoll il-mekkaniżmi komplementari.
3.1.6.4 L-istrutturi l-ġodda għar-rimborż tal-ispejjeż għandhom jippermettu li anke l-qraba mill-bogħod ikunu jistgħu jingħataw allowance talli jieħdu ħsieb lill-persuni li jkollhom bżonn il-kura. Madankollu, f’dawn il-każi għandha tiġi żgurata wkoll il-kwalità tal-kura! Barra minn hekk, għandu jiġi introdott leave tal-kura bħal-leave tal-maternità. Fil-livell politiku għandhom jitfasslu minnufih, u bi ftehim mal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali (bħal fil-każ tal-leave tal-ġenituri), possibbiltajiet għar-rikonċiljazzjoni tal-familja, ix-xogħol u l-kura.
3.1.6.5 Il-pressjoni finanzjarja fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali tista’ titnaqqas permezz ta' sensiela ta' miżuri nazzjonali, pereżempju billi jintużaw aktar il-mediċini ġeneriċi, jitnaqqas il-VAT fuq il-mediċini, u jsiru negozjati mal-industriji farmaċewtiċi dwar il-prezzijiet.
3.2 In-netwerks lokali – L-iżgħar unità hija l-aktar waħda effettiva u qrib iċ-ċittadin
3.2.1 L-anzjani jistgħu, skont kemm jippermettilhom l-istat ta' saħħtihom, jagħtu ħafna lis-soċjetà. Minħabba ċ-ċirkustanzi personali u professjonali, illum il-ġurnata l-familji b’diversi ġenerazzjonijiet qegħdin dejjem jonqsu. Din il-lakuna tista’ tingħalaq mill-atturi privati u muniċipali b’netwerks lokali, għaliex l-istrutturi tas-servizzi ta' interess ġenerali jridu jiġu adattati fil-livell reġjonali u muniċipali sabiex jiggarantixxu livell tajjeb ta' appoġġ u għajnuna.
3.2.2 In-netwerks lokali huma, pereżempju, il-pjattaformi tal-atturi muniċipali, l-imsieħba soċjali, l-NGOs u l-korpi responsabbli fil-qasam tas-saħħa li jagħtu kontribut għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni tas-servizzi. Inizjattivi bħal dawn joffru possibbiltajiet tajba biex jiġu appoġġjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni. L-Ewropa għandha tirrikonoxxi mudelli ta' prattika tajba, bħall-inizjattivi maħsuba biex jinkoraġġixxu l-“impenn taċ-ċittadini” u l-awtoassistenza fil-qasam tal-għajnuna u l-kura fid-djar.
3.2.3 Id-djar b’diversi ġenerazzjonijiet huma wkoll forma ġdida tal-iskambju bejn ġenerazzjonijiet differenti barra l-familja: huma jgħaqqdu taħt saqaf wieħed il-ħidma tal-kindergardens, il-klabbs taż-żgħażagħ u ċ-ċentri tal-anzjani (5).
3.2.4 Għandhom jiġu previsti wkoll servizzi oħra, bħall-kura bi nhar u bil-lejl (partikolarment għal dawk li jbatu bid-dimenzja).
3.3 Il-politika Ewropea tas-saħħa
3.3.1 Is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri jridu jiffaċċjaw l-isfidi tat-tibdil demografiku u għandhom jissaħħu f’dan ir-rigward. Huwa importanti li wieħed jinnota li anke skont it-Trattat ta' Lisbona, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi tas-saħħa huma l-kompitu u r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u li f’dan il-kompitu l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu biss jappoġġjaw lill-Istati Membri. Minħabba l-organizzazzjoni (l-assigurazzjonijiet privati joperaw flimkien mas-sistemi tal-Istat skont il-mudell Beveridge, il-mudell Bismarck jew skont mudell imħallat), l-iżvilupp, id-differenza fil-qawwa tal-ekonomija, il-ħtiġijiet u l-istennijiet li jkollhom, is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri huma differenti immens. Madankollu, kif titlob ukoll il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi garantit id-dritt tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa.
3.3.2 Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) jista’ jikkontribwixxi biex il-politika tas-saħħa tiġi mfassla u mmaniġġjata b’mod aktar effiċjenti. Il-kooperazzjoni għandha tiffoka fuq l-iskambju tal-esperjenzi u d-deskrizzjoni tal-eżempji prattiċi fir-rigward tat-tliet oqsma ewlenin, jiġifieri l-“aċċess”, il-“kwalità” u l-“vijabbiltà fit-tul”.
3.3.3 Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, anke l-kompetenza fit-tfasssil tal-politika soċjali tibqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Però l-UE tista’ tgħinhom permezz ta' miżuri ta' appoġġ, pereżempju billi tikkomplementa jew tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-qasam soċjali, il-MMK huwa strument siewi sabiex itejjeb il-protezzjoni soċjali skont il-prinċipji tal-aċċess, l-adattament u s-sostenibbiltà.
3.3.4 Il-kwistjoni tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” għandha ssir prijorità tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 billi jitħejja pjan ta' azzjoni għal dan il-għan. Dan jirrikjedi kooperazzjoni kontinwa u aktar intensiva min-naħa tad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni. Għalhekk għandu jitwaqqaf grupp ta' ħidma speċifiku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar “It-tixjiħ u s-saħħa” li jinkludi l-għoti tal-kura tas-saħħa, il-kura, il-pensjonijiet u s-sostenibbiltà finanzjarja. Il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll l-edukazzjoni dwar is-saħħa għandhom jissaħħu u jiġu integrati f’kull qasam ta' politika sabiex ikunu ta' eżempju għall-Istati Membri.
3.3.5 Il-KESE għandu jindirizza b’mod kontinwu t-tema tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” fid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet permezz ta' “Round Table”, “Kategorija” jew inkella “Grupp ta' Studju Permanenti” sabiex titfassal strateġija interdixxiplinari dwar id-demografija.
3.3.6 Il-politika tal-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' miżuri nazzjonali permezz tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni.
3.3.7 Barra minn hekk, il-KESE jerġa’ jappella għall-appoġġ kontinwu tat-tagħlim tul il-ħajja fil-qasam tat-“tixjiħ u s-saħħa” fil-livell Ewropew, u l-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.
Brussell, il-15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2009) 180 finali.
(2) Ara l-lista ta' opinjonijiet tal-KESE hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/sections/soc/index_en.asp.
(3) Ara: l-Osservatorju Ewropew tas-Sistemi u l-Politiki tas-Saħħa (European Observatory on Health Systems and Policies) (http://www.euro.who.int/en/home/projects/observatory/activities/research-studies-and-projects)
(4) “Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal.” (Salm 90:12).
(5) http://www.mehrgenerationenhaeuser.de.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/17 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/03
Relatur: is-Sur PÎRVULESCU
F’ittra tas-16 ta’ Frar 2010, is-Sinjura Joëlle Milquet, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Impjiegi u l-Opportunitajiet Indaqs, inkarigata mill-politika tal-migrazzjoni u l-asil, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza Belġjana futura u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar
il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil kemm għall-persuni li jfittxu l-asil kif ukoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
(opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, vot 1 kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jifraħ li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jadottaw approċċ proattiv fil-qasam tal-asil u li ċerti Stati Membri jixtiequ jimxu ’l quddiem f’dan il-qasam ta’ azzjoni. |
1.2 |
Għalkemm il-politika tal-immigrazzjoni u l-asil tal-Unjoni Ewropea tinsab taħt il-pressjoni ta’ diversi sorsi ta’ inċertezza u ta’ riskju fil-livell dinji (1), il-Kumitat jemmen li d-diversi restrizzjonijiet baġitarji minħabba l-kriżi ekonomika ma jistgħux iwasslu biex jonqsu l-livell u l-kwalità tal-protezzjoni mogħtija lill-benefiċjarji. L-identità tal-Unjoni Ewropea hija marbuta mill-qrib mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Jekk tonqos milli tassigura din il-protezzjoni, il-kredibbiltà interna u esterna tagħha bħala entità politika u demokratika tiddgħajjef. |
1.3 |
Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-responsabbiltajiet miżjuda tal-UE f’dan il-qasam u t-tibdil fil-mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jiftħu l-prospetti li tinħoloq żona Ewropea komuni tal-asil. Madankollu jeżistu xi riskji f’dan il-qasam. L-istennijiet maħluqa jistgħu jkunu eċċessivi fir-rigward tal-kapaċitajiet politiċi u amministrattivi li jeżistu. |
1.4 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil li tkun funzjonali hija l-aktar tweġiba effikaċi u sostenibbli għall-bżonn li jiġu protetti l-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju, bir-riperkussjonijiet li jirriżultaw minn dan għall-Istati Membri. |
1.5 |
Il-Kumitat ma jikkunsidrax lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali bħala piż ekonomiku u amministrattiv, iżda jarahom bħala msieħba prezzjużi għall-pajjiżi u l-komunitajiet li jilqgħuhom. Fl-Istati tal-oriġini tagħhom, huma jistgħu jġibu magħhom bidla li ssaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Bis-saħħa tal-kompetenzi li jkunu kisbu, huma jistgħu jsiru atturi essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-artijiet li jilqgħuhom kif ukoll tal-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. |
1.6 |
Il-falliment jew is-suċċess ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) ser jiddependi minn għadd ta’ parametri essenzjali: il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-politiki relatati, it-tisħiħ tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u l-finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet Ewropej inkarigati minn dan il-qasam. Fil-fehma tal-Kumitat, l-ewwel u qabel kollox għandu jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku inġenerali, tas-soċjetà ċivili u tal-gvernijiet tal-Istati Membri f’politika Ewropea komuni tal-asil. Dan l-għan jista’ jintlaħaq billi l-politika tiġi implimentata malajr u billi jinkisbu riżultati konkreti, b’mod partikolari fil-każi li jservu bħala prova. |
1.7 |
L-eżistenza ta’ sistemi għall-għoti tal-asil li jvarjaw skont il-pajjiżi toħloq spejjeż kbar. It-twaqqif ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil tista’ tiċċarahom u tillimitahom, l-ewwel nett bis-saħħa tas-semplifikazzjoni leġislattiva (tnaqqis fin-numru ta’ appelli jew applikazzjonijiet ripetuti, limitazzjoni tal-possibbiltajiet li l-proċeduri jintużaw b’mod abbużiv), u t-tieni nett permezz tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej kompetenti li, bħall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, jistgħu jissostitwixxu l-awtoritajiet nazzjonali. Permezz ta’ dan ikun aktar faċli li jsir skambju tal-prattiki t-tajba, li jingħata t-taħriġ lill-persunal ikkonċernat u, fuq kollox, li jerġgħu jiġu orjentati l-flussi ta’ dawk li jfittxu l-asil. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE tinsab f’fażi deċiżiva. Mill-1999 ’l hawn il-Kunsill adotta żewġ pjani ta’ ħames snin: il-programm ta’ Tampere (1999-2004) u dak tal-Aja (2004-2009). F’għaxar snin l-objettivi stabbiliti f’Tampere ntlaħqu biss b’mod parzjali. L-UE għadha mhix żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Ġie reġistrat progress konsiderevoli iżda inugwali fil-qasam tal-politika komuni tal-immigrazzjoni, tal-asil u tas-sigurtà fil-fruntieri. |
2.2 |
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ser jiġi implimentat il-programm ta’ Stokkolma u, għalhekk, il-Kunsill ser jadotta sensiela sħiħa ta’ politiki li jidhru fih permezz tal-proċedura leġislattiva klassika jew permezz tal-kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew. Għaldaqstant, l-UE ser tkun tista’ tistabbilixxi objettivi aktar ambizzjużi għaliha stess u tniedi mill-ġdid proċess li għalissa huwa ostakolat minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri qed joqogħdu lura. |
2.3 |
Bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, li integra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-asil żdiedu b’mod wiesa’ ħafna. Din l-estensjoni tas-setgħat toffri l-opportunità biex jingħażel il-progress lejn it-twettiq tal-objettivi fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil, iżda jista’ jinħoloq ukoll riskju jekk ma jinkisibx l-appoġġ tal-atturi interessati għad-deċiżjonijiet li jittieħdu. Jekk ma jissolvewx it-tensjonijiet u l-impreċiżjonijiet li huma marbuta ma’ qasam daqstant sensittiv u li diġà kienu evidenti fl-istadju tat-tħejjija tal-azzjoni, dan ser jikkomprometti kemm il-progress li sar s’issa kif ukoll il-prospetti futuri. |
2.4 |
Il-Programm ta’ Stokkolma huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li indirizza mill-ġdid u implimenta l-proposti tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2), ir-rapporti tal-grupp konsultattiv dwar il-ġejjieni tal-politika interna u tal-ġustizzja (3), kif ukoll il-kontributi li l-Kummissjoni Ewropea rċeviet f’Settembru u Novembru 2008 fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-“Libertà, sigurtà u ġustizzja: X’ser ikun il-futur? – Konsultazzjoni dwar il-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”. F’Ġunju 2009 l-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni bl-isem “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – Aktar libertà f’ambjent aktar sikur” (4), li ġiet diskussa f’Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (5). |
2.5 |
Il-ħolqien tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) bħala parti miż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja huwa bbażat fuq l-impenn favur l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (1951) u fuq il-valuri li jiddefinixxu d-drittijiet tal-bniedem, kondiviżi mill-Istati Membri. Fil-perijodu bejn l-1999 u l-2006 sar progress sostanzjali, l-aktar bl-adozzjoni ta’ erba’ strumenti li jsawru dak li nkiseb s’issa. Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (id-Direttiva dwar il-kwalifika) iddefinixxiet il-kriterji komuni biex jiġi determinat liema huma l-persuni ġustifikati biex jitolbu l-protezzjoni internazzjonali, u stabbilixxa livell minimu ta’ benefiċċji li għandhom jingħataw fl-Istati Membri tal-UE kollha. Fil-programmi tal-Aja u ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni Ewropea daħlet għall-impenn li tevalwa l-progress li sar fl-ewwel fażi u li tipproponi sensiela ta’ miżuri lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew qabel tmiem l-2010. |
2.6 |
Mill-2002 ’l hawn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħa sehem fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil permezz ta’ sensiela sħiħa ta’ opinjonijiet, fosthom dawk fuq il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Asil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (6) u fuq il-Programm ta’ politika dwar l-asil (7). |
2.7 |
Fil-pjan strateġiku tagħha fil-qasam tal-asil, li ġie adottat fis-17 ta’ Ġunju 2008 (8), il-Kummissjoni pproponiet li l-Unjoni tiffinalizza t-tieni fażi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil (SEKA) billi jiġu adottati standards ta’ protezzjoni mtejba u billi tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tagħhom fl-Istati Membri. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil adottat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ottubru 2008 tenna l-appoġġ tiegħu għal din il-politika u għall-objettivi stabbiliti. Il-pjan strateġiku jipprevedi li d-Direttiva dwar l-Istatus tiġi riveduta fil-qafas ta’ sensiela usa’ ta’ inizjattivi li tinkludi r-reviżjoni tar-Regolamenti ta’ Dublin u tal-Eurodac u tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza (9) u l-adozzjoni, nhar id-19 ta’ Frar 2009, ta’ proposta dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) (10). Fost il-miżuri l-oħra proposti, huwa rakkomandat li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tal-asil, b’mod partikolari permezz ta’ programm Ewropew ta’ risistemazzjoni u bl-iżvilupp ta’ programmi reġjonali ta’ protezzjoni. |
2.8 |
Fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Belġjan talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar il-kwistjoni tal-asil. Fit-talba uffiċjali jingħad li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju huwa waħda mill-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Matul dawn l-aħħar snin, huma ħadmu bis-sħiħ għall-objettiv prinċipali li stabbilixxew, jiġifieri li jibnu politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil. Stabbilixxew standards sabiex tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali, iddeterminaw xi responsabbiltajiet u ħolqu istituzzjonijiet ġodda. Madankollu, numru sostanzjali ta’ Stati Membri m’għandhomx ir-rieda li li jarmonizzaw b’mod ġenwin il-leġislazzjoni u l-politiki tagħhom. Mingħajr l-appoġġ tal-Istati Membri, hemm riskju li l-kostruzzjoni Ewropea, leġislattiva u istituzzjonali, issir ineffikaċi u għalja. Dawn l-Istati Membri għadhom mhumiex qed jaraw sewwasew il-vantaġġi ta’ politika Ewropea komuni fil-qasam tal-asil u mhumiex jassumu b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tagħhom. |
2.9 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew żviluppa proposti kostruttivi f’dan il-qasam, filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fil-prattiki tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Fil-pożizzjonijiet li ħa, huwa appoġġja b’mod miftuħ il-prinċipji u l-valuri li jagħtu prijorità lid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ppropona miżuri bil-għan li jistimolaw l-iżvilupp personali u professjonali ta’ dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali. Ġibed ukoll kemm-il darba l-attenzjoni għal-limiti u l-inkoerenzi tal-politiki Ewropej, kemm f’dawk li jinsabu fl-istadju ta’ abbozz kif ukoll f’dawk li qed jiġu implimentati. F’dan il-qasam, jeħtieġ li jiġu aġġustati l-politiki u l-istrumenti b’mod konsenswali li jassoċja fi djalogu ġenwin lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet Komunitarji, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dinja tal-intrapriżi u l-komunitajiet lokali. |
3. Kummenti ġenerali
Il-valur miżjud ta’ sistema Ewropea komuni tal-asil għall-persuni li jfittxu l-asil u għall-Istati Membri
3.1 |
Il-Kumitat jemmen li approċċ li jenfasizza l-vantaġġi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil huwa promettenti u jista’ potenzjalment jerġa’ jibni l-fiduċja tal-atturi interessati, b’mod partikolari l-Istati Membri, fil-proċess ta’ tħejjija ta’ dan il-mekkaniżmu. |
3.2 |
Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-objettivi li qed tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea għaliha stess fir-rigward tal-perfezzjonament tas-sistema Ewropea komuni ta’ asil. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għad-differenza li hemm bejn l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew u l-prattiki nazzjonali f’dan il-qasam, u dan jista’ jkompli jikber minħabba l-kriżi ekonomika u l-impatt soċjali u politiku tagħha. |
3.3 |
Is-sistema Ewropea komuni tal-asil ma tistax tinbena mingħajr ma tiġi bbażata bis-sħiħ f’qafas ta’ valuri u prinċipji komuni li jpoġġu d-dinjità u s-sigurtà tal-bniedem fil-qalba tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri. |
3.4 |
Minħabba li l-pressjonijiet li jiffaċċjaw id-diversi Stat Membri jvarjaw ħafna, bħalma huwa rifless fid-disparitajiet bejn il-livelli ta’ aċċettazzjoni, in-numru ta’ deċiżjonijiet ikkontestati u l-movimenti sekondarji ta’ dawk li jfittxu l-asil, joħroġ fid-dieher li l-prinċipju impliċitu tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhuwiex qed jiġi applikat. |
3.5 |
It-tendenza tal-Istati Membri li jillimitaw l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-prattiki nazzjonali ddgħajjef is-sisien tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. L-armonizzazzjoni mhix problema tal-politika tal-asil, iżda hi l-istrument prinċipali li bis-saħħa tiegħu jkunu jistgħu jitwettqu l-vantaġġi tas-sistema Ewropea komuni tal-asil. Hija tista’ tnaqqas il-pressjoni amministrattiva u finanzjarja li jkun hemm fuq ċerti Stati Membri u barra minn hekk tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni għal dawk li jfittxu l-asil, għall-inqas fil-fażi inizjali tal-proċess. Jekk irriduha tipproduċi r-riżultati mistennija, l-armonizzazzjoni m’għandhiex issir fuq il-bażi tal-iżgħar denominatur komuni fil-qasam tal-protezzjoni. |
3.6 |
Il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali jifforma parti sensittiva tal-politika tal-asil. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma saħansitra akbar milli fil-każ tal-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fil-veru sens tal-kelma. Jekk lill-protezzjoni nagħtuha importanza akbar, li tiġi riflessa fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjiegi, il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied il-prosperità individwali u kollettiva. |
3.7 |
Sabiex il-politika tal-asil tingħata għajnuna sodisfaċenti, l-istituzzjonijiet speċjalizzati, b’mod partikolari l-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, għandu jkollhom setgħat ċari, għandhom jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju adatt għar-responsabbiltajiet tagħhom, u għandhom ikunu jiffunzjonaw b’mod trasparenti li jassigura r-rispett tal-proċeduri u tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. L-appoġġ finanzjarju ta’ istituzzjonijiet effikaċi jista’ joffri eżempju eċċellenti tal-vantaġġi li jirriżultaw minn politika komuni tal-asil ġenwina. |
4. Kummenti partikolari
4.1 |
Il-Kumitat jemmen li l-aspetti differenti tal-politika tal-asil huma korelatati. Il-falliment jew is-suċċess tagħha ser jiddependi minn għadd ta’ parametri essenzjali: il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni u tal-politiki relatati, it-tisħiħ tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u l-finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet Ewropej inkarigati minn dan il-qasam. Fil-fehma tal-Kumitat, l-ewwel u qabel kollox għandu jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku inġenerali, tas-soċjetà ċivili u tal-gvernijiet tal-Istati Membri f’politika Ewropea komuni tal-asil. Dan l-għan jista’ jintlaħaq billi l-politika tiġi implimentata malajr u billi jinkisbu riżultati konkreti, b’mod partikolari fil-każi li jservu bħala prova. |
Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-istadji kollha tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali
4.2 |
Fil-pożizzjonijiet tiegħu, il-Kumitat qatt ma waqaf jenfassiza li fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali hemm bżonn standards komuni u mhux minimi (11). Dawn jassiguraw li jiġu rispettati aktar id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali permezz tal-miżuri li ġejjin:
|
4.3 |
Huwa importanti immens li matul il-proċeduri l-persuni li jfittxu l-asil ikunu jistgħu jesprimu ruħhom bil-lingwa materna tagħhom u jibbenefikaw, f’kull stadju, minn assistenza legali mingħajr ħlas. |
4.4 |
It-tiċħid ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tiġi motivata b’mod ċar u għandha tinkludi informazzjoni, l-aktar b’rabta mal-proċedura u l-iskadenza, dwar il-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ appell. Fi kwalunkwe każ, il-miżura ta’ tkeċċija għandha tiġi sospiża sakemm jinħareġ ir-riżultat ta’ appell eventwali (12). |
4.5 |
Iż-“żamma – detenzjoni” għandha tintuża biss bħala l-aħħar mekkaniżmu, meta ma jkunx fadal aktar alternattivi, u qatt m’għandha ssir mingħajr id-deċiżjoni ta’ qorti kompetenti, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża, b’konformità mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13). Id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati fil-qafas ta’ proċedura tal-appell. |
4.6 |
Il-Kumitat jenfasizza s-sitwazzjoni partikolari tan-nisa, li jsibu ħafna aktar diffikultajiet mill-irġiel biex japplikaw għall-asil u jiksbu l-istatus ta’ rifuġjat. Bl-istess mod, jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-minorenni fil-politika tal-asil u jenfasizza li huwa importanti li l-interessi u s-sigurtà tagħhom jitħarsu b’mod effikaċi. |
4.7 |
Il-Kumitat huwa inkwetat minħabba li l-fenomeni marbuta mal-immigrazzjoni u l-asil, bħat-traffiku tal-bnedmin jew l-abbuż, ma jiġux indirizzati b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, speċjalment il-pajjiżi ta’ transitu. Il-pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 ma jistgħux ikunu l-imsieħba tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika tal-asil. Is-suċċess tal-politika tal-asil ma jistax jiġi ggarantit jekk ma jkunx hemm ftehim istituzzjonali sod mal-Istati ta’ transitu, li ħafna drabi jittolleraw il-ksur tad-drittijiet u s-sigurtà tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju. |
Solidarjetà akbar bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-interess komuni u tal-qsim tar-responsabbiltajiet
4.8 |
Minħabba d-disparitajiet li jeżistu fil-livell ta’ kemm l-Istati Membri differenti huma esposti għall-flussi ta’ rifuġjati, xi wħud minnhom għandhom it-tendenza li jirreaġixxu billi japplikaw regoli restrittivi għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Il-politika tal-asil għandha tgħin b’mod effikaċi lil dawn il-pajjiżi sabiex jimmaniġġjaw l-applikanti u, fuq kollox, itejbu l-kontenut tal-protezzjoni. Il-Kumitat jemmen li sabiex din l-għajnuna tingħata, huwa importanti li tiġi prevista proċedura ġdida li tissospendi t-trasferimenti, b’konformità mar-Regolament ta’ Dublin, lejn Stat Membru responsabbli li b’dan il-mod iġarrab pressjoni addizzjonali (14). |
4.9 |
Il-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi li jġarrbu pressjoni bħal din toħloq diversi vantaġġi. L-ewwel nett, tillimita l-moviment sekondarju, minn Stat Membru għal ieħor. Barra minn hekk, jekk l-applikazzjonijiet għall-asil jitqassmu b’mod aktar ekwu, ikun jista’ jiġi mmaniġġjat aħjar il-proċess u tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fi ħdan il-pajjiżi tal-Unjoni. |
Armonizzazzjoni effettiva u ffokata fuq it-titjib tal-protezzjoni tal-persuni f’sitwazzjoni ta’ riskju
4.10 |
It-trattatement tal-applikazzjonijiet għall-asil huwa parti mill-kompetenzi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. F’dan il-qasam, għadhom qed jippersistu tradizzjonijiet differenti minħabba n-nuqqasijiet fl-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet nazzjonali; is-sitwazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tiġi evalwata b’mod li jvarja; wieħed jinnota li fil-livell Ewropew m’hemmx prattiki komuni; il-kapaċitajiet amministrattivi huma differenti; fl-aħħar nett, il-pressjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali mhix maqsuma b’mod ugwali mil-lat ġeografiku. Għaldaqstant, il-livelli ta’ protezzjoni mogħtija mill-varji Stati Membri huma differenti ħafna, u għal din ir-raġuni għadu qed ikun hemm movimenti sekondarji tar-rifuġjati fi ħdan l-UE (15). |
4.11 |
Hemm bżonn li l-analiżi tal-applikazzjonijiet għall-asil issir fuq bażi komuni. Il-Kumitat kemm-il darba rrakkomanda li jitneħħew il-listi tal-pajjiżi li huma kkunsidrati bħala siguri u li dawn jiġu sostitwiti permezz ta’ sistema li tevalwa f’ħin reali r-riskji li hemm fil-pajjiżi terzi, fuq bażi individwali u fuq bażi kollettiva. Il-mekkaniżmu huwa previst fost il-kompiti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil. Din is-sistema komuni ta’ evalwazzjoni għandha tuża sensiela ta’ definizzjonijiet komuni, filwaqt li tintegra l-aġenziji tal-protezzjoni u l-protezzjoni fit-territorju tal-Istat ikkonċernat. |
4.12 |
Il-Kumitat jemmen li l-aġenziji mhux statali tal-protezzjoni jistgħu jipprovdu servizzi siewja, li kultant ikunu saħansitra indispensabbli f’qasir żmien, l-aktar biex jissolvew il-problemi umanitarji. Madankollu, jaħseb li ma jidhirx li dawn jistgħu jingħataw, anke parzjalment, ir-responsabbiltà li jassiguraw il-protezzjoni tan-nies f’territorju partikolari. Din ir-responsabbiltà tista’ titħalla biss f’idejn strutturi statali. Il-protezzjoni fil-pajjiż hija valida biss meta l-biċċa l-kbira tat-territorju ta’ pajjiż jinsab taħt il-kontroll ta’ poter ċentrali li jkun kapaċi u jkun jixtieq jiggarantixxi l-ordni interna, livell minimu ta’ servizzi pubbliċi u protezzjoni adegwata tad-drittijiet u tas-sigurtà tal-individwi. |
4.13 |
Il-Kumitat jinsab kuntent li l-affarijiet qed jiżviluppaw b’mod li l-kontenut taż-żewġ statuses ta’ protezzjoni (rifuġjati u protezzjoni sussidjarja) isir uniformi. Huwa kemm-il darba ta l-appoġġ tiegħu għal dan l-iżvilupp, li fil-ġejjieni ser jiggarantixxi protezzjoni aktar sħiħa tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju u ser jiżgura li dawn il-persuni jkunu integrati aħjar fl-Istati Membri tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-fatt li dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni qed isiru uniformi m’għandux ikollu l-effett, dirett jew indirett, li jbaxxi l-livell ta’ protezzjoni u l-kwalità tal-kontenut tagħhom (16) iżda għandu jsaħħaħhom. |
4.14 |
Ir-responsabbiltà li għandhom il-gvernijiet nazzjonali fil-ġestjoni tal-politika tal-asil m’għandhiex twassal biex dawn jiżviluppaw prattiki diverġenti għalkollox. Ċerti Stati Membri, bħall-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja, żviluppaw għadd ta’ prattiki tajbin f’dan il-qasam li jistgħu jispiraw miżuri tal-istess tip f’pajjiżi oħra. Ir-rwol tagħhom mhux stmat daqskemm jistħoqqlu: huma jistgħu jindikaw kif il-politika tal-asil tista’ titpoġġa fil-prattika u kif jistgħu jiġu limitati l-ispejjeż tal-esperimentazzjoni fil-livell nazzjonali. |
Protezzjoni internazzjonali b’kontenut aktar sostanzjali
4.15 |
F’dan il-qasam, il-politiki u l-programmi nazzjonali jvarjaw. Però, din l-istqarrija hija intuwittiva għaliex ma teżisti l-ebda analiżi dettaljata ta’ dawn il-mekkaniżmi fl-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ miżuri antiċipattivi, l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jitlef kull sinifikat u konsegwentement iwassal għal diskriminazzjoni impliċita tal-persuni li jibbenefikaw minn dan l-istatus. Il-KESE jirrakkomanda li t-trejdjunjins u l-korpi ta’ min iħaddem jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-asil fil-livell nazzjonali. |
4.16 |
Il-Kumitat jemmen li dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-ekwivalenza tad-diplomi u l-kwalifiki, kif ukoll dwar miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali (17). Dawn huma passi importanti lejn l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni fl-ekonomija u s-soċjetà u lejn it-titjib tal-kwalità ta’ ħajjithom. Fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, huwa importanti li dan jissaħħaħ permezz ta’ miżuri attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u t-tħeġġiġ tal-atturi ekonomiċi. |
Tisħiħ u finanzjament adegwat tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-politika tal-asil
4.17 |
Il-Kumitat jemmen li l-attivitajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil għandhom jieħdu xejra operattiva mill-aktar fis possibbli. Jeħtieġ li bil-baġit tiegħu jkun jista’ jwettaq l-azzjoni tiegħu, kumplessa u intensiva, mil-lat loġistiku. Biex nieħdu eżempju, għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp tas-sistema Ewropea komuni ta’ evalwazzjoni tar-riskju fil-pajjiżi terzi għaliex din hija komponent importanti tal-politika tal-asil. Il-finanzjament adegwat li ser jingħata jista’ jenfasizza l-vantaġġi tal-fatt li jkollna istituzzjonijiet u proċeduri komuni fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li hu jikkoordina l-ħidma tiegħu mal-istrutturi l-oħra tal-UE u, b’mod aktar partikolari, mal-gvernijiet tal-Istati Membri. |
4.18 |
Il-finanzjament tal-elementi differenti tal-politika tal-asil għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat. Hemm lok li dan jikber u jiġi orjentat lejn l-istrumenti li jipproduċu l-aħjar riżultati u jipprovdu għajnuna reali lill-Istati Membri. Is-solidarjetà hija aspett finanzjarju li m’għandux jintesa. Il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, pereżempju, għandu baġit – madwar EUR 5 miljun – li huwa żgħir wisq biex jipprovdi appoġġ siewi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-asil fil-livell Ewropew u nazzjonali. |
4.19 |
Il-KESE jinsab imħasseb dwar sensiela ta’ prattiki tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-aġenzija Frontex fir-rigward tat-tkeċċija tal-persuni li jista’ jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali (18). Dawn l-operazzjonijiet, li żdiedu fil-frekwenza u fl-iskala, għandhom iseħħu f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza sħiħa u ta’ responsabbiltà assunta bis-sħiħ (19). Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jaħdmu flimkien sabiex jiġi evitat li jinkisru d-drittijiet tal-bniedem. It-tkeċċija ta’ persuni lejn pajjiżi jew żoni fejn is-sigurtà tagħhom hija mhedda tirrappreżenta ksur ċar tal-prinċipju ta’ non-refoulement. |
4.20 |
Il-KESE jemmen (20) li jeħtieġ isir sforz għat-taħriġ tal-persunal tal-Frontex bil-għan li jittejbu l-punti li ġejjin:
|
4.21 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-qasam tal-politika tal-asil, flimkien mal-iżvilupp istituzzjonali, jiġu integrati aktar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-andament operattiv. Jekk dawn jiġu assoċjati b’dan il-mod, terġa’ tiżdied il-kredibbiltà tal-politika komuni filwaqt li jsir kontribut biex jittejbu b’mod sostenibbli l-istrumenti użati. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Wieħed jista’ jsemmi, pereżempju, ir-riskji marbuta mad-degradazzjoni tal-ambjent u mal-kunflitti li jirriżultaw minnha.
(2) Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.
(3) Rapport tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Futur tal-Politika tal-Affarijiet Interni “Liberty, Security, Privacy: European Home Affairs in an Open World” (Il-Libertà, is-Sigurtà, il-Ħajja Privata: l-Affarijiet Interni Ewropej f’Dinja Miftuħa), Ġunju 2008.
(4) COM(2009) 262.
(5) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 80.
(6) ĠU C 204, 9 ta’ Awwissu 2008, p. 77.
(7) ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009, p. 78.
(8) COM(2008) 360 finali.
(9) COM(2008) 815 finali; COM(2008) 820 finali; COM(2008) 825 finali.
(10) COM(2009) 66 finali.
(11) ĠU C 204, 9 ta’ Awwissu 2008, p. 77; ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009, p. 78.
(12) Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) – (COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD), relatur: is-Sur Pezzini).
(13) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110.
(14) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 115.
(15) ĠU C 218, 11 ta’ Settembru 2009.
(16) Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (tfassil mill-ġdid) (COM(2009) 551 finali/2 – 2009/0164 (COD), relatur: is-Sur Pîrvulescu).
(17) Idem.
(18) Ara r-rapport tal-Human Rights Watch (HRW) intitolat: “Pushed Back, Pushed Around, Italy’s Forced Return of Boat Migrants and Asylum Seekers, Libya’s Mistreatment of Migrants and Asylum Seekers” (Mibgħuta lura u mhedda: L-Italja tibgħat lura bil-forza d-dgħajjes tal-migranti u dawk li jfittxu l-asil, u l-Libja tittrattahom ħażin), Human Rights Watch 2009.
(19) Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li l-andament tal-proċeduri f’dan il-qasam isir trasparenti.
(20) Opinjoni tal-KESE tat-28 ta’ April 2010 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid) – (COM(2009) 554 finali – 2009/0165 (COD), relatur: is-Sur Pezzini).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/23 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/04
Relatur ġenerali: is-Sur OLSSON
F’ittra tat-28 ta' April 2010, skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Laurette Onkelinx, il-Viċi Prim Ministru Belġjana u Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex, f’isem il-Presidenza Belġjana futura, ifassal opinjoni esploratorja dwar
Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-klawżola soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020.
Fil-25 ta' Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (laqgħa tal-15 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Jan Olsson bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’61 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Presidenza Belġjana li tagħmel użu mill-klawżola soċjali orizzontali u minn Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) imsaħħaħ, peress li din tenfasizza l-fatt li l-koeżjoni soċjali trid iżomm il-pass mal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, sabiex jinkisbu l-miri kollha li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020. |
1.2 |
Huwa essenzjali li jkun hemm parteċipazzjoni vera mis-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha sabiex jiġi assigurat l-użu effettiv tal-klawżola orizzontali u l-MMK. Il-KESE jipproponi li kull sena l-Kummissjoni tħejji “rapport ta' governanza” dwar din il-parteċipazzjoni. Il-KESE jista’ jgħin f’dan ir-rigward u jissuġġerixxi wkoll li l-proġetti piloti għall-parteċipazzjoni jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS. Barra minn hekk, il-Kumitat jipproponi Kodiċi ta' prattika tajba għall-governanza parteċipattiva tal-MMK. |
1.3 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjoni bejn il-miri u l-politiki kollha. Din għandha tkun il-linja gwida bażi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali u l-MMK. Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-koordinazzjoni, assistita mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat għall-Impjieg. Iż-żewġ kumitati għandhom ikunu miftuħin għal rappreżentanti minn partijiet interessati esterni. |
1.4 |
L-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali trid tkun effiċjenti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u dik tal-impjieg, jiġu ppubblikati u jiddaħħlu fil-proċess tal-MMK. L-enfasi għandha tkun fuq l-effetti tal-impjiegi, in-numru ta' persuni li jgħixu fil-faqar u r-riskji soċjali. |
1.5 |
Il-KESE jappoġġja MMK imsaħħaħ, sabiex l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb minħabba l-kriżi attwali. Il-MMK irid ikollu dimensjoni aktar lokali, u b’hekk ikun marbut ukoll ma' azzjonijiet immirati mwettqa taħt il-patroċinju tal-Fond Soċjali Ewropew. Ir-reviżjonijiet minn pari (peer reviews) ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku għandhom iwasslu għal pjani ta' direzzjoni nazzjonali għall-koeżjoni soċjali. L-indikaturi għandhom jiffukaw ukoll fuq kriterji kwalitattivi dwar il-benessri. Il-KESE jappoġġja l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar, iżda jaħseb li l-MMK u l-klawżola orrizontali wkoll jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn. |
2. Kuntest
2.1 |
Il-Presidenza Belġjana tal-UE talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar kif il-koeżjoni soċjali Ewropea tista’ titwassal permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, liema rwol prattiku tista’ taqdi l-klawżola soċjali orizzontali fid-dimensjoni soċjali tal-politiki Ewropej, u kif dan ir-rwol jista’ jiġi implimentat? |
2.2 |
L-opinjoni ser jikkontribwixxi għall-konferenza organizzata mill-Presidenza Belġjana li ser tinżamm fl-14 u l-15 ta' Settembru 2010 dwar “Il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam soċjali fil-kuntest tal-Ewropa 2020”. |
2.3 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-bżonn li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. Tissuġġerixxi li “... il-Kumitat Ekonomikuu Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu assoċjati aktar mill-qrib”. |
2.4 |
Sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju ddefinixxa ħames miri importanti (ir-rata tal-impjieg, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-gassijiet b’effett ta' serra, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali) u kkonkluda li dawn huma korelatati u jappoġġjaw lil xulxin. Il-bażi għal “governanza ekonomika aktar b’saħħitha” tqiegħdet billi ngħatat prijorità lill-“koordinazzjoni msaħħa ta' politika ekonomika”. Sabiexi l-miri jiġu implimentati b’suċċess essenzjalment hemm bżonn ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ effiċjenti. Il-Kunsill qabel dwar l-għan li 20 miljun persuna jitneħħew mir-riskju tal-faqar, filwaqt li l-Istati Membri jkunu ħielsa li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom għal tal-inqas wieħed mit-tliet indikaturi: f’riskju ta' faqar, deprivazzjoni materjali u djar mingħajr impjieg. |
2.5 |
L-Ewropa 2020 tirreferi għal taħlita ta' miżuri fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali biex jinkiseb “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. Għaxar linji gwida intergrati għall-politiki ekonomiċi u ta' impjieg jappoġġjaw il-ħames miri prinċipali, filwaqt li għandhom jitniedu seba’ inizjattivi ewlenin. L-Istati Membri ser jistabbilixxu miri nazzjonali u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u ser iħejju wkoll Programmi ta' Riforma Nazzjonali (PRN). |
2.6 |
Il-“klawżola soċjali” orizzontali (Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) ġiet inkluża fit-Trattat ta' Lisbona u tgħid li “fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”. |
2.7 |
Din torbot mal-klawżoli orizzontali l-oħra tat-Trattat (Artikoli 8, 10, 11 u 12 tat-TFUE): l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumaturi, li kienu ġew introdotti bit-Trattat ta' Amsterdam, u l-anti-diskriminazzjoni, li ffurmat parti mit-Trattat ta' Lisbona. |
2.8 |
Il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) ġie definit bħala strument tal-Istrateġija ta' Lisbona fl-2000. Fil-qosor, il-Kunsill jistabbilixxi l-objettivi, li jiġu segwiti b’pjani ta' azzjoni nazzjonali u bi programmi ta' riforma, filwaqt li l-progress jitkejjel b’analiżi komparattiva, indikaturi, reviżjonijiet minn pari u skambju tal-aħjar prattika. Il-mudell tal-MMK għandu wkoll bażi legali għal ċerti oqsma ta' politika fit-Trattat ta' Lisbona (Artikoli 149, 153, 156, 168, 173 u 181 tat-TFUE). |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Sabiex toħroġ mill-kriżi ekonomika u soċjali profonda attwali, l-Ewropa riesqa lejn koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. Il-KESE jenfasizza li, jekk irridu niksbu l-għanijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-progress soċjali jrid jimxi pari passu mar-riformi ekonomiċi. Għalhekk huwa assolutament neċessarju li tinħoloq rabta bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Istrateġija. Il-politiki integrati li jsaħħu lil xulxin ser jeħtieġu li l-istrumenti kollha jkunu kkontrollati, ikkoordinati u msaħħa. |
3.2 |
B’dan l-isfond, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Belġjana qiegħda tiffoka fuq il-governanza u l-koeżjoni soċjali billi tenfasizza l-klawżola soċjali orizzontali u MMK aktar b’saħħtu. Dan l-approċċ għandu jinżamm fuq perijodu fit-tul. Il-Kumitat iħeġġeġ bi sħiħ lill-Gvern Ungeriż sabiex din il-kwistjoni jagħmilha prijorità matul il-Presidenza tiegħu li ġejja. |
3.3 |
Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll, madankollu, li għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hekk kif jissaħħu l-istrumenti mfassla biex jinkiseb progress soċjali. |
3.4 |
Il-KESE konsistentement enfasizza li l-parteċipazzjoni vera miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata fl-istadji u l-livelli kollha tal-proċess hija parti indispensabbli tal-governanza. Għandu jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi ekonomiċi u soċjali mal-imsieħba soċjali u partijiet oħra rilevanti, u b’hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet li jinkisbu l-miri prinċipali. |
3.5 |
Il-KESE jenfasizza li huwa kruċjali li l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġu involuti mill-qrib meta jiġu stabbiliti l-miri nazzjonali u jitfasslu l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali kif ukoll biex jissaħħaħ l-MMK u tiġi implimentata l-klawżola soċjali orizzontali. Il-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom jitqiesu wkoll meta l-Kummissjoni u l-Kunsill jivvalidaw il-miri u jevalwaw il-progress. |
3.6 |
L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata fil-livelli territorjali kollha. Approċċ minn isfel għal fuq għandu jinteraġġixxi ma' inizjattivi tal-UE minn l-ogħla livell meta jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki soċjali tal-UE. Għalhekk, is-soċjetà ċivili organizzata għandha tibni sħubijiet reali u effiċjenti mal-parlamenti/awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jiġu stabbiliti miri u jitfissru miżuri ta' politika adegwati. Dan jorbot mal-implimentazzjoni effiċjenti tal-prinċipju tas-sħubija li għandu jiggwida l-użu u l-allokazzjoni tal-fondi strutturali tal-UE fil-futur, u b’hekk jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Fond Soċjali Ewopew (FSE) (1). |
3.7 |
Il-KESE jiffavorixxi wkoll l-involviment attiv tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali u organizzazzjonijiet simili. |
3.8 |
Il-KESE jipproponi li, flimkien mar-rapport ta' progress annwali dwar il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma fl-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji “rapport ta' governanza” ibbażat fuq il-governanza parteċipattiva tal-MMK u l-klawżola soċjali orizzontali, li dwarhom għandhom jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-KESE u l-KtR. Il-KESE jista’ juża n-netwerk tiegħu ta' KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili biex jimmonitorja l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata u jista’ wkoll jippubblika r-rapporti tiegħu. |
3.9 |
Hemm bżonn qawwi ta' proċess ta' koordinazzjoni li jinkorpora l-interazzjonijiet reċiproċi bejn il-miri prinċipali, il-linji gwida integrati u l-inizjattivi ewlenin. Il-Kummissjoni għandha rwol strateġikament importanti biex tmexxi din “il-koordinazzjoni ta' koordinazzjoni”. Il-linji gwida integrati għandhom jiġu “integrati” fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri li l-politiki kollha jridu jkunu koerenti u ffokati fuq il-miri kollha. Integrazzjoni bħal din għandha tkun il-linja gwida globali meta jiġu introdotti mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali u jissaħħaħ l-MMK. Sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn iż-żewġ strumenti, ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-MMK. |
3.10 |
Għalhekk il-KESE jappoġġja bi sħiħ il-proposta mressqa fil-21 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (KPS) għall-Istrateġija Ewropea l-ġdida (2). Il-KPS jixtieq li l-klawżola soċjali orizzontali tiddaħħal fil-preambolu tal-linji gwida ta' politika ekonomika. Bla dubju valutazzjoni tematika u rappurtar tal-progress dwar id-dimensjoni soċjali tagħha huma komponent neċessarju tal-viżjoni integrata tal-Ewropa 2020. |
3.11 |
Il-KESE japprezza l-ħidma mwettqa mill-KPS u l-Kumitat għall-Impjieg (EMCO) u jikkunsidra li r-rwol tagħhom għandu jissaħħaħ fl-istess waqt li jissaħħu l-istrumenti mfasslin biex tinkiseb id-dimensjoni soċjali. Il-KESE jissuġġerixxi li m’għandhomx ikunu biss il-gvernijiet li jkunu rappreżentati fil-Kumitati iżda wkoll l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jipproponi li l-Kumitati jżommu laqgħat b’mod aktar regolari, ma' rappreżentanti ta' dawn il-partijiet interessati kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-Gvern fi ħdan il-KPS u l-EMCO għandhom responsabbiltà wkoll li jorganizzaw kif ukoll jieħdu sehem fil-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u l-partijiet rilveanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. |
3.12 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni fost iċ-ċittadini, il-ħaddiema, in-negozji u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom. L-inizjattiva tal-Kummissjoni li tara x’realtajiet soċjali jeżistu tista’ sservi bħala mudell u tkun organizzata fuq bażi aktar permanenti li tilħaq ukoll il-livell lokali. Madankollu, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu proattivi huma stess dwar kif għandhom jintużaw il-klawżola soċjali orizzontali u l-MMK. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-proġetti piloti għal dan il-għan jiġu ffinanzjati mill-programm PROGRESS. |
4. Kummenti speċifiċi dwar il-klawżola soċjali orizzontali
4.1 |
L-effetti tal-klawżoli orizzontali dwar l-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-protezzjoni tal-konsumaturi, stabbiliti aktar minn 10 snin ilu fit-Trattat, huma primarjament informali. |
4.2 |
Il-KESE jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali huma parti essenzjali biex tiġi mmonitorjata l-Istrateġija Ewropa 2020, u li għandhom jipprovdu mekkaniżmi effettivi biex jiġu evalwati r-riskji soċjali, jiġu ppubblikati u jkunu miftuħin għal diskussjoni pubblika. Il-KESE jixtieq jenfasizza li b’mod partikulari għandhom jiġu vvalutati l-effetti fuq l-impjieg u n-numru ta' persuni li jgħixu f’riskju ta' faqar. |
4.3 |
Il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva, assistita mill-KPS u l-EMCO. L-imsieħba soċjali Ewropej u l-partijiet rilevanti prinċipali l-oħra għandhom jiġu involuti b’mod attiv. Il-fehmiet tagħhom għandhom jiġu ppubblikati (mehmużin) flimkien mal-valutazzjonijiet. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni diġà stabbilixxiet mekkaniżmi għall-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali permezz tal-Valutazzjoni Integrata tal-Impatt, iżda l-viżibilità u l-użu tagħhom għandhom ma ġewx definiti sew. |
4.4 |
Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi assigurat li l-politika ekonomika u l-konsolidazzjoni baġitarja għandhom iwasslu għal aktar impjiegi, inqas persuni li jgħixu fil-faqar u titjib fid-drittijiet soċjali. Għalhekk, il-valutazzjonijiet soċjali b’mod partikulari għandhom ikopru l-għaxar linji gwida integrati kollha għall-politiki ekonomiċi u tal-impjieg. Barra minn hekk, jekk ikun il-bżonn għandhom jiġu evalwati miżuri oħra li jittieħdu biex jinkisbu l-ħames miri prinċipali. |
4.5 |
Il-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali għandhom isiru wkoll fil-livell nazzjonali u reġjonali. |
4.6 |
Rapport inizjali għandu jkun lest sa Diċembru 2010 sabiex jintuża għall-ewwel reviżjoni annwali tal-Ewropa 2020. |
5. Kummenti speċifiċi dwar il-MMK.
5.1 |
Il-KESE ta' spiss ikkritika l-MMK peress li ma tax ir-riżultati mistennija, mhux effettiv, huwa inviżibbli fil-livell nazzjonali u ma jinvolvix biżżejjed lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili. |
5.2 |
Min-naħa l-oħra ġie innutat titjib, partikularment fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-KESE, f’diversi Opinjonijiet, wera l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni tal-MMK f’oqsma ġodda ta' politika (pereżempju s-saħħa, il-politika taż-żgħażagħ, l-isfidi demografiċi, l-immigrazzjoni u l-asil). |
5.3 |
Il-KESE jemmen bi sħiħ li fil-kriżi attwali, l-MMK għandu jissaħħaħ sabiex ikun assigurat li l-politiki ta' protezzjoni soċjali u ta' inklużjoni soċjali ma jitwarrbux fil-ġenb. |
5.4 |
Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-twaqqif ta' “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar” bħala strument li jsaħħaħ l-impenn tan-negozji, il-ħaddiema u l-pubbliku inġenerali sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri prattiċi. Il-Pjattaforma u l-MMK ser ikunu ta' benefiċċju għal xulxin. Madankollu, il-KESE jqis li l-MMK jista’ jgħin ukoll fl-iżvilupp ta' inizjattivi ewlenin oħrajn, b’mod partikulari jekk ikunu appoġġjati mill-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali tal-klawżola orizzontali. |
5.5 |
Il-KESE ssuġġerixxa li l-MMK għandu jissaħħaħ billi jiġu stabbiliti miri vinkolanti fil-livell tal-Istat Membru sabiex tinkiseb l-Istrateġija Ewropa 2020. Din il-fehma hija enfasizzata f’diversi Opinjonijiet tal-KESE, bħal pereżempju fl-aktar opinjoni reċenti dwar il-linji gwida tal-impjiegi (3), li titlob għal miri aktar ambizzjużi u li jistgħu jitkejlu dwar l-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, appoġġjati minn koordinazzjoni aħjar tal-politiki. Il-KESE jappoġġja bi sħiħ it-talba li saret fil-Konferenza Biennali tagħha f’Firenze biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi indikaturi speċifiċi biex jitkejjel l-impatt tal-edukazzjoni bikrija fuq it-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali aktar tard fil-ħajja. |
5.6 |
Madankollu, il-KESE jenfasizza li meta l-Istat Membru huwa ħieles li jagħżel l-aktar indikaturi adegwati (ara l-punt 2.4 hawn fuq), il-MMK għandu jsegwi billi jipproċedi għal analiżi komparattiva tal-indikaturi rilevanti kollha. Stat Membru m’għandux jitħalla jevita objettivi prinċipali tal-UE. Fil-fehma tal-KESE, in-numru ta' persuni f’riskju ta' faqar, imkejjel bl-indikatur ta' dħul relattiv (4), huwa rilevanti għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri nazzjonali fuq il-bażi ta' djalogu parteċipattiv ġenwin mal-partijiet interessati. |
5.7 |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm inċentivi aħjar biex l-Istati Membri jkomplu bl-impenji tagħhom, pereżempju permezz ta' rabta ċara għall-allokazzjonijiet fi ħdan il-FSE. Dan l-approċċ jissaħħaħ kieku l-programmi operattivi tal-FSE jiffokaw ħafna aktar fuq l-inklużjoni soċjali, appoġġjati bi sħubija effiċjenti mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
5.8 |
L-MMK għandu jkollu dimensjoni aktar lokali, waqt li jistabbilixxi pjani ta' azzjoni lokali u reġjonali flimkien mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet lokali, u b’hekk jirrifletti l-approċċ parteċipattiv mill-aktar livell baxx u l-koordinazzjoni tal-imsieħba u l-politiki, anke bl-appoġġ mill-fondi strutturali. Id-deċentralizzazzjoni tal-metodu b’dan il-mod ser iżid il-profil tal-integrazzjoni tal-politika, li tant hemm bżonnu. |
5.9 |
Il-KESE jemmen bi sħiħ li għandu jkun hemm livell ta' referenza għall-governanza parteċipattiva tal-MMK – b’mod partikulari l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata – ibbażata fuq indikaturi, reviżjonijiet mill-pari, tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattika. Il-KESE jipproponi li din it-tip ta' referenza titfassal bħala Kodiċi ta' prattika tajba mill-Kummissjoni u mill-KPS, flimkien mal-partijiet interessati prinċipali Ewropej. Tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin (5):
|
5.10 |
Għandha tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-proposti bbażati fuq “prinċipji komuni” u l-MMK. Il-prinċipji komuni huma rakkomandazzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri u pereżempju jkunu ntużaw fil-politiki tal-UE għall-istrateġiji tematiċi dwar il-flessigurtà, l-inklużjoni attiva u t-tixjiħ attiv. |
5.11 |
Ir-riżultat tal-MMK eventwalment għandu jwassal għal proposti għall-użu ta' strumenti oħra, bħall-“kooperazzjoni msaħħa” bejn l-Istati Membri, l-użu tal-metodi komunitarji u oħrajn. |
5.12 |
Il-KESE jenfasizza li l-indikaturi għandhom imorru lil hinn mill-prestazzjoni ekonomika, billi jidentifikaw ukoll l-indikaturi ta' benessri soċjetali kif proposti mill-Kummissjoni Stiglitz (6). Preċedentement, il-KESE identifika indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-politika soċjali, pereżempju dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg taż-żgħażagħ, il-“ħaddiema fqar”, il-persuni b’diżabbiltà, l-impjiegi ta' kwalità, il-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ, id-distribuzzjoni tad-dħul finanzjarju, is-sistemi tal-pagi minimi/dħul minimu, u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Ġie ssuġġerit ukoll indikatur prattiku tal-“kwalità tal-ħajja” li jkopri sitt sferi differenti (7). Ġew proposti wkoll indikaturi kwalitattivi li jkejlu l-aċċessibbiltà u l-kwalità meta mqabbla mal-istennijiet tal-persuni, l-involviment tal-utenti u kemm huma faċli biex tużahom. |
5.13 |
Filwaqt li l-indikaturi jridu jiġu stabbiliti fil-livelli Ewropew, nazzjonali u reġjonali, il-KESE jenfasizza li l-partijiet interessati għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fit-tfassil u l-evalwazzjoni tagħhom. |
5.14 |
Il-KESE jemmen li huwa importanti għall-Istati Membri li jħejju rapport dwar il-progress lejn kull mira bl-użu ta' indikaturi Ewropej komparabbli iżda li jistgħu jiġu riveduti, kemm għall-ħolqien ta' tabella kif suġġerit fir-rapport KoK (8) kif ukoll biex jintużaw bħala għodda dijanostika għat-titjib u awtokorrezzjoni minn parteċipanti nazzjonali u lokali. |
5.15 |
Is-sistemi effiċjenti għat-tagħlim reċiproku u t-trasferiment tal-aħjar prattika kif ukoll l-isfruttament tal-miżuri leġislattivi għandhom jinvolvu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Peress li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra tas-soċjetà ċivili jħaddnu għarfien uniku u esperjenza estensiva tal-politiki soċjali u tal-impjieg, għandhom ikunu involuti fl-identifikar u l-evalwazzjoni tal-possibbiltajiet li jiġu trasferiti l-aħjar prattika, speċjalment il-miżuri innovattivi. |
5.16 |
Ir-reviżjonijiet mill-pari tal-Istati Membri għandhom jissaħħu billi jiġu involuti l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra. Ir-reviżjonijiet ibbażati fuq it-tagħlim reċiproku u l-aħjar prattika għandhom iwasslu għar-rakkomandazzjonijiet pubbliċi lill-Istati Membri, u jiġi propost pjan ta' direzzjoni għall-koeżjoni soċjali. |
Brussell, 15 ta' Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ECO/258, “Sħubijiet effikaċi fil-politika ta' koeżjoni”, relatur: is-Sur Olsson.
(2) Kunsill 9964/10.
(3) Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-27.5.2010 dwar Linji gwida dwar l-impjiegi, relatur ġenerali: is-Sur Greif, CESE 763/2010.
(4) Fejn il-linja tal-faqar titfisser bħala dħul inqas minn 60 % tad-dħul medjan.
(5) Ara wkoll pereżempju “EU Policy Coordination Beyond 2010: Towards a New Governance Structure” (Il-Koordinazzjoni tal-Politika tal-UE wara l-2010: Lejn Struttura Ġdida ta' Governanza) ta' Jonathan Zeitlin.
(6) Il-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali.
(7) Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-22.10.2008 dwar Lil hinn mill-PGD – indikaturi għal żvilupp sostenibbli, relatur: is-Sur Siecker, (ĠU C 100, 30.4.2009, pp. 53-59).
(8) “Niffaċċjaw l-Isfida, L-Istrateġija ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi”, rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli presjedut minn Wim Kok, Novembru 2004.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/28 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali”
2011/C 44/05
Relatur ġenerali: is-Sur VERBOVEN
F’ittra tad-29 ta’ April 2010, f’isem il-Presidenza futura Belġjana u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Laurette ONKELINX, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar
L-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali.
Nhar il-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010) li jaħtar lis-Sur Xavier VERBOVEN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’66 vot favur, 3 voti kontra u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kwistjoni tal-iżvilupp tal-benefiċċji soċjali ser tiġi indirizzata f’konferenza speċifika fil-qafas tal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat jagħraf li l-protezzjoni soċjali hija għodda importanti għat-tqassim mill-ġdid, il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà li għandha tkun fil-qofol tal-iżvilupp tal-proġett Ewropew. Id-drittijiet soċjali fundamentali jiggarantixxu b’mod partikolari l-aċċess għal dħul soċjali adegwat meta individwu jisfa vittma ta’ ċerti riskji soċjali jew għal għajnuna soċjali u akkomodazzjoni għal dawk kollha li m’għandhomx biżżejjed riżorsi. Il-KESE jfakkar li, fit-30 ta’ Novembru 2009, huwa adotta dikjarazzjoni fejn talab lill-Kummissjoni timplimenta programm ta’ azzjoni soċjali (1) biex jiġi garantit li d-drittijiet soċjali fundamentali jiġu ttrattati bl-istess mod bħar-regoli ta’ kompetizzjoni u l-libertajiet ekonomiċi.
1.2 Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol tal-fattur produttiv tal-politika soċjali. Ifakkar mill-ġdid li jekk ikunu mfassla b’mod adatt, il-politiki soċjali u l-politiki tas-suq tax-xogħol jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali kif ukoll tal-effiċjenza u l-produttività ekonomika. Il-mudell soċjali Ewropew huwa bbażat fuq koerenza tajba bejn effiċjenza ekonomika u progress soċjali (2). Is-sħubija taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew tiddependi minn kemm ikunu effiċjenti l-politiki implimentati f’dawn l-oqsma differenti. Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata l-importanza tar-rwol li taqdi l-protezzjoni soċjali bħala stabilizzatur ekonomiku f’perijodi tajbin kif ukoll ħżiena taċ-ċiklu ekonomiku (3).
1.3 Il-kriżi ekonomika u soċjali attwali qed timponi aktar minn qatt qabel il-bżonn ta’ strateġija Ewropea ambizzjuża għall-2020. Din l-istrateġija l-ġdida – li ġiet definita mill-Kummissjoni (4) u li għadha kif ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 u għandha tiġi adottata formalment mill-Parlament f’Settembru ta’ din is-sena – tindirizza erba’ oqsma: l-għarfien u l-innovazzjoni, ekonomija aktar sostenibbli, it-titjib tal-livelli ta’ impjieg u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE jappoġġja din il-viżjoni multidimensjonali li għandha l-għan li tappoġġja tkabbir “intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” iżda jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti nuqqasijiet li ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010” ma ntlaqgħux. B’mod partikolari, għandhom jitfassslu “l-linji gwida tiegħu b’għanijiet li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fejn jidħlu impjiegi li ma jipprovdux ħarsien soċjali adegwat, it-transizzjoni lejn ekonomija li tuża livell baxx tal-karbonju, il-ġlieda kontra l-faqar (inklużi dawk li jbatu l-faqar minkejja li għandhom xogħol) u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali (pereżempju appoġġ adegwat fil-każ ta’ qgħad jew fejn bniedem ma jistax jaħdem, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi pubbliċi)” (5).
1.4 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istrateġija Ewropa 2020 tinkludi linja gwida li tikkonċerna speċifikament l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar bl-objettiv li tal-anqas 20 miljun persuna ma jibqgħux fir-riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni (6). Fid-dawl tal-fatt li l-2010 ġiet iddikjarata s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar, huwa indispensabbli li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-persuni kkonċernati jingħataw għajnuna biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ faqar.
1.5 Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-aqwa mezz kontra l-esklużjoni huwa l-aċċess għal impjieg dejjiemi, ta’ kwalità u bi ħlas xieraq. Għandhom jiġu adottati miżuri strutturali għat-titjib bil-għan li jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv (7). Il-KESE jfakkar li, fid-9 ta’ Diċembru 2009, fil-kuntest tad-djalogu soċjali, ġie konkluż ftehim qafas għal suq tax-xogħol inklużiv. Dan il-ftehim qafas juri biċ-ċar ir-rieda tal-imsieħba soċjali biex jippromovu s-swieq inklużivi tax-xogħol, jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa, iżidu r-rata tal-impjiegi, itejbu l-kwalità tal-impjieg, inklużi t-taħriġ u l-iżvilupp tal-kompetenzi.
1.6 Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Parlament Ewropew ippreżentata fir-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (8), b’mod partikolari “billi l-inklużjoni attiva ma tistax tieħu post l-inklużjoni soċjali, peress li gruppi vulnerabbli li mhumiex kapaċi jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għandhom id-dritt li jgħixu b’dinjità u li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, u għalhekk, għandu jkun hemm dħul minimu u servizzi soċjali aċċessibbli, bi prezz deċenti u ta’ kwalità għolja, indipendentement minn jekk persuna tistax tieħu sehem fis-suq tax-xogħol jew le”.
1.7 Il-KESE jfakkar li, fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 1989 dwar il-faqar (9), huwa rrakkomanda li jiġi stabbilit minimu soċjali maħsub kemm bħala xibka ta’ sigurtà għall-foqra kif ukoll bħala lieva meħtieġa biex dawn jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Jiddispjaċih li din l-opinjoni kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni dwar riżorsi u benefiċċji biżżejjed fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (10) s’issa għadhom ma ngħatawx segwitu adatt. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li l-introduzzjoni gradwali ta’ garanzija ta’ riżorsi u ta’ benefiċċji fil-qafas tal-protezzjoni soċjali għandha tiġi maħsuba permezz ta’ strument ġdid li jappoġġja b’mod aktar effikaċi l-politiki dwar il-ġlieda kontra l-faqar f’bosta Stati Membri filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Minn dan il-lat, l-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa lieva importanti.
1.8 Fir-rigward tal-benefiċċji soċjali ta’ sostituzzjoni, il-KESE jenfasizza li attwalment mhux kollha qed jingħataw attenzjoni partikolari fil-qafas tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) għall-protezzjoni soċjali. Permezz tad-definizzjoni ta’ objettivi u ta’ indikaturi komuni kif ukoll tal-iskambju ta’ prattiki tajba, dan il-metodu għandu l-għan li jirriforma s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fil-perijodu fit-tul. Jidher li dan il-proċess importanti ma jqisx il-benefiċċji tal-qgħad, tal-inkapaċità għax-xogħol, tal-maternità u l-benefiċċji għal persuni b’diżabbiltà, għall-vittmi ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol jew ta’ mard ikkawżat mix-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda li l-azzjoni tal-MMK għall-protezzjoni soċjali tiġi estiża biex tinkludi l-benefiċċji kollha ta’ sostituzzjoni tad-dħul. Jirrakkomanda b’mod partikolari li jsir monitoraġġ biex jiġi analizzat il-livell adatt tal-benefiċċji mogħtija.
1.9 Il-KESE jfakkar li l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tirrikjedi bilanċ effikaċi bejn, minn naħa, l-inċentivi mmirati lejn żieda fil-provvista tal-ħaddiema u, minn naħa oħra, il-miżuri li jiżguraw protezzjoni soċjali adatta billi jiggarantixxu infiq effiċjenti f’dan il-qasam. Fir-rigward tal-ewwel aspett, jixtieq jispeċifika li d-dħul m’għandux ikun l-uniku element li jitqies. Fatturi oħra, bħal pereżempju d-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal, il-miżuri li jittieħdu għall-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, l-infrastrutturi għall-għoti ta’ impjieg lil dawk li jinsabu bla xogħol, għat-taħriġ, it-tagħlim u s-saħħa pubblika, għandhom rwol importanti x’jaqdu (11). Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza mill-ġdid ir-rieda tiegħu li jsaħħaħ il-MMK billi jimplimenta objettivi li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rati ta’ sostituzzjoni jew ta’ kopertura, iżda wkoll ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi (12). Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li fil-qafas tal-MMK għall-potezzjoni soċjali m’hemmx enfasi speċifika fuq il-ġeneralizzazzjoni tas-sistemi ta’ attivazzjoni. Huwa jirrakkomanda li jitfassal rapport fil-qafas tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali bil-għan li jiġi analizzat jekk dawn il-miżuri ta’ attivazzjoni humiex tassew il-frott ta’ bilanċ bejn il-valuri ta’ solidarjetà, ta’ responsabbiltà u ta’ koeżjoni.
1.10 Il-KESE jixtieq jinsisti fuq ir-rwol essenzjali li jistgħu jaqdu r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali f’kull kwistjoni marbuta mal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali kif ukoll mat-tisħiħ tal-MMK bħala proċess demokratiku.
2. Introduzzjoni u kuntest
2.1 Il-protezzjoni soċjali hija għodda importanti għat-tqassim mill-ġdid u s-solidarjetà, u l-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħha huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Peress li hija mfassla b’mod speċifiku f’kull Stat Membru, hija kkaratterizzata minn diversità kbira ħafna ta’ sistemi. Tinsab fil-qofol tal-proġett Ewropew kif stipulat fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (13) u l-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (14) jirrikonoxxi u jirrispetta:
— |
minn naħa, id-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f’każijiet ta’ maternità, mard, inċidenti fil-post tax-xogħol, dipendenza, xjuħija u telf tax-xogħol; |
— |
minn naħa oħra, id-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, maħsuba sabiex jiżguraw eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti. |
2.2 Barra milli tiggarantixxi dħul adegwat għal dawk li m’għandhomx impjieg attiv jew meta jinqalgħu ċerti riskji soċjali, il-protezzjoni soċjali għandha wkoll taqdi rwol attiv biex tappoġġja l-proċess ta’ transizzjoni professjonali, b’mod partikolari bil-għan li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tirnexxi.
2.3 Fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja tal-2008, is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali mhux biss ipproteġew lill-Ewropej mill-aktar konsegwenzi gravi tal-kriżi finanzjarja iżda wkoll kellhom rwol kontraċikliku ta’ stabilizzatur ekonomiku (15). Fin-nuqqas ta’ politiki ambizzjużi ta’ konverġenza, dawn is-sistemi jistgħu jitqiegħdu f’periklu b’mod partikolari permezz ta’ prattiki ta’ kompetizzjoni żviluppati minn ċerti Stati Membri li għalihom it-tnaqqis tal-infiq soċjali huwa lieva biex jiġbdu l-investiment ta’ kapital barrani. Dan il-proċess, li diġà huwa realtà fil-livell fiskali u dak tal-pagi, għandu tendenza jiżviluppa fil-livell soċjali (16).
2.4 Lejlet l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020, jeħtieġ li jitfakkar li t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu koeżjoni soċjali mtejba. L-inugwaljanzi sikwit komplew jiżdiedu tul dawn l-aħħar għaxar snin u l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom problema ewlenija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE (17). Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn il-fenomeni jiġu miġġielda permezz ta’ politiki li ma jkunux essenzjalment reattivi jew marbutin mal-kumpens iżda li jkunu wkoll preventivi u proattivi biex tittieħed azzjoni minn stadju bikri kontra s-sitwazzjonijiet ta’ faqar. Ta’ min isemmi b’mod partikolari l-fenomenu tal-faqar fost it-tfal li jista’ jkun deċiżiv għal aktar żvilupp tul il-ħajja tal-persuni kkonċernati.
2.5 Illum il-protezzjoni soċjali b’mod ġenerali u l-benefiċċji soċjali b’mod partikolari qed jiffaċċjaw erba’ sfidi ewlenin:
— |
il-konsegwenzi tal-kriżi u, minn naħa, iż-żieda fl-ispejjeż tal-qgħad minħabba l-ħafna telf ta’ impjiegi u, minn naħa oħra, il-piż fuq il-finanzi pubbliċi li din iż-żieda ġġib magħha. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-individwi jinqabdu qiegħda għal perijodu twil, it-titjib u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jissoktaw bil-għan li jiġi offrut qafas attiv u sigur li jiggarantixxi l-aċċess għal u r-ritorn lejn impjieg ta’ kwalità filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi; |
— |
il-fenomenu tat-tixjiħ tal-popolazzjoni li ser ikollu impatt importanti fuq il-pensjonijiet u s-settur tal-kura tas-saħħa. Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet timplika l-ħtieġa li jiġu żgurati pensjonijiet ta’ livell adegwat u investiment fil-ħtiġijiet marbuta ma’ dan il-fenomenu, b’mod partikolari l-appoġġ għad-dipendenza; |
— |
iż-żieda inaċċettabbli fil-faqar u l-inugwaljanzi. L-objettivi ta’ tnaqqis tal-faqar stabbiliti fl-Istrateġija ġdida Ewropa 2020 huma ambizzjużi. Jeżiġu sforz ikkoordinat fl-Istati Membri f’bosta oqsma ta’ azzjoni politika bi sħab mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili; |
— |
it-tisħiħ meħtieġ tal-benesseri u tal-koeżjoni soċjali taċ-ċittadini Ewropej. Dawn l-aħħar snin, iċ-ċittadini Ewropej urew li l-istennijiet tagħhom fir-rigward ta’ politiki soċjali ġodda, effikaċi u progressivi kienu importanti fil-livell soċjali u sostenibbli fil-livell ekonomiku. |
3. Benefiċċji adegwati ta’ sostituzzjoni tad-dħul
3.1 Il-benefiċċji soċjali maħsuba biex jagħtu garanzija ta’ dħul tul perijodu ta’ qgħad, wara l-irtirar, f’każ ta’ mard jew minħabba diżabbiltà huma importanti ħafna fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Indipendentement mill-mod ta’ finanzjament tagħhom, il-prinċipji li huma bbażati fuqhom (ta’ assigurazzjoni jew universali) jew mill-mod kif dawn il-benefiċċji jingħataw, l-għan tagħhom huwa li jiggarantixxu dħul stabbli u adegwat meta jinqala’ xi wieħed minn dawn ir-riskji soċjali. Għaldaqstant, jaqdu rwol importanti ta’ sigurtà kemm mil-lat tal-individwi kif ukoll mil-lat tas-soċjetà inġenerali. M’għandhomx jitqiesu bħala piż iżda bħala investiment produttiv li minnu jgawdi kulħadd.
3.2 It-taqlib konsiderevoli fl-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej minħabba l-globalizzazzjoni, il-bidliet teknoloġiċi, il-fenomenu tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u, reċentement, il-kriżi ekonomika li seħħet fl-2008 irriżultaw f’bidliet profondi fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’mod ġenerali u fil-benefiċċji ta’ sostituzzjoni tad-dħul b’mod partikolari. L-għan essenzjali tal-politiki msejħa ta’ modernizzazzjoni implimentati tul dawn l-aħħar għoxrin sena huwa l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u li jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku, b’mod partikolari permezz ta’ rati ta’ impjieg għoljin. Dan wassal biex il-benefiċċji soċjali jingħataw rwol importanti f’termini ta’ inċentiv għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol.
3.3 Il-Kumitat huwa konxju li l-livell ta’ protezzjoni mogħti minn dawn il-benefiċċji jiddependi ħafna mill-finanzjament pubbliku li attwalment qed jiffaċċja pressjoni qawwija minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Madankollu, jixtieq ifakkar li huwa jopponi “kull inizjattiva li tista’ tikkomprometti s-solidarjetà li fuqha tistrieħ il-protezzjoni soċjali u li hija ta’ tant ġid għall-Ewropa” (18). L-għoti ta’ benefiċċji li parzjalment iżommu l-istandard tal-ħajja huwa essenzjali biex jiggarantixxu tqassim aħjar tal-ġid u tad-dħul kif ukoll biex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali. Fl-istess waqt, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-mekkaniżmi li għandhom l-għan li jadattaw il-benefiċċji skont l-iżvilupp tal-ħajja. Din hija r-raġuni wkoll għala l-Kumitat jaħseb li jeħtieġ li fi ħdan il-MMK isir monitoraġġ biex jiġi analizzat il-livell adegwat tal-benefiċċji mogħtija.
3.4 Il-KESE jitlob li jiġi implimentat programm ta’ azzjoni soċjali bbażat fuq kooperazzjoni pożittiva bejn l-Istati Membri u “mhux fuq ‘tellieqa sal-qiegħ’ kompetittiva fir-rigward tad-drittijiet soċjali, il-protezzjoni soċjali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol” (19).
3.5 Fir-rigward tal-qgħad għandha tissaħħaħ il-protezzjoni soċjali bħala investiment għall-benefiċċju kemm tal-kompetittività ekonomika kif ukoll tal-integrazzjoni soċjali.
3.5.1 L-assigurazzjoni kontra l-qgħad hija vantaġġ soċjali essenzjali peress li jassigura lil kull ħaddiem kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija mill-post tax-xogħol jew ta’ ristrutturar. L-għan hu li jiġi assigurat livell adegwat u stabbli ta’ riżorsi, l-ewwel kundizzjoni tas-sigurtà tal-appoġġ tal-mobbiltà professjonali u għaldaqstant għar-ritorn lejn l-impjieg (20).
3.5.2 L-assigurazzjoni kontra l-qgħad ma tistax tkun limitata għall-għoti ta’ benefiċċji iżda għandha tkun assoċjata ma’ miżuri adegwati u dinamiċi ta’ appoġġ lejn impjieg ta’ kwalità. Dawn il-politiki attivi għandhom jiggarantixxu appoġġ individwali u aċċess għal taħriġ li jwasasl għal kwalifiki (21). Barra minn hekk, fatturi oħra bħal pereżempju d-disponibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura tat-tfal, il-miżuri li jittieħdu għall-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà, l-infrastrutturi għat-tagħlim u s-saħħa pubblika għandhom rwol importanti x’jaqdu (22). L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-elementi indispensabbli għal transizzjonijiet professjonali bla xkiel.
3.5.3 Min-naħa l-oħra, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittieħdu miżuri għal titjib strutturali biex jinħoloq suq tax-xogħol li verament ikun inklużiv (23). F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li fid-9 ta’ Diċembru 2009 fil-kuntest tad-djalogu soċjali ġie konkluż ftehim qafas għal suq tax-xogħol inklużiv. Dan il-ftehim qafas juri biċ-ċar ir-rieda tal-imsieħba soċjali biex jippromovu s-swieq inklużivi tax-xogħol, jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa, iżidu r-rati ta’ impjieg, itejbu l-kwalità tal-impjieg, tat-taħriġ u tal-iżvilupp tal-kompetenzi.
3.5.4 Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ konverġenzi biex ix-xogħol isir bil-ħlas billi l-impjieg jikkostitwixxi għażla li ġenwinament tkun aktar interessanti mil-lat finanzjarju. Permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki kkoordinati fil-livell soċjali, ta’ paga u fiskali, jeħtieġ li l-persuni li ma jitħallsux biżżejjed u li mhumiex ikkwalifikati biżżejjed ikollhom aċċess għal impjieg bi gwadann u joħorġu mill-faqar u l-qgħad (24).
3.5.5 Il-benefiċċji tal-qgħad marbuta ma’ politiki dinamiċi tas-suq tax-xogħol jistabilizzaw l-ekonomija u jippromovu adattament attiv għat-tibdil permezz tat-titjib tal-kompetenzi u ta’ inizjattivi effikaċi fil-qasam tat-tfittxija għal impjieg u ta’ bdil fil-karriera (25). Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-politiki ta’ attivazzjoni li qed jitwettqu bħalissa fl-Istati Membri kollha jkunu tassew il-frott ta’ bilanċ bejn il-valuri tas-solidarjetà, ir-responsabbiltà u l-koeżjoni u li ma jippreżentawx riskju f’termini ta’ inugwaljanzi, ta’ disparitajiet kategoriċi, jew ta’ stazzjonament f’impjiegi mhux konvenzjonali, li jirrikjedu ftit kwalifiki u/jew li mhumiex imħallsa biżżejjed. Barra minn hekk, jeħtieġ li tibqa’ tingħata attenzjoni lill-miżuri għat-tisħiħ tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari fi żmien ta’ kriżi ekonomika fejn id-domanda għall-ħaddiema hija baxxa. Hemm riskju li ngħakksu aktar lill-persuni esklużi u dan huwa ostakolu importanti f’termini ta’ integrazzjoni (mill-ġdid) fil-qasam tax-xogħol. Dawn il-politiki ta’ eliminazzjoni jista’ wkoll ikollhom effet negattiv peress li jistgħu jipprovokaw ċaqliq lejn setturi oħra tal-protezzjoni soċjali bħal pereżempju l-għajnuna soċjali jew l-inkapaċità għax-xogħol, u dan mhuwiex mixtieq.
3.6 Il-pensjonijiet: irtirar adegwat fid-dawl tal-isfida tat-tixjiħ tal-popolazzjoni
3.6.1 Hekk kif in-numru ta’ pensjonanti fl-Ewropa qed jiżdied u n-numru relattiv ta’ persuni f’età li jaħdmu qed jonqos, l-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi tagħhom ta’ pensjoni bil-għan li l-irtirar ikun adegwat u sostenibbli. Dawn ir-riformi huma bbażati fuq il-punti li ġejjin: jingħataw inċentivi biex l-individwi jibqgħu jaħdmu aktar, jitħeġġu pensjonijiet komplementari, jiġu stabbiliti rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-kontribuzzjonijiet soċjali u l-benefiċċji, jiġi kkunsidrat l-għomor dejjem itwal huma u jiġu stabbiliti l-benefiċċji, finanzjament adatt għal pensjoni minima, għoti ta’ kreditu għal perijodi ta’ kura fid-drittijiet għall-pensjoni u mekkaniżmi ta’ reviżjoni awtomatika jew semiawtomatika.
3.6.2 Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar għadha partikolarment għolja fost il-persuni li għandhom aktar minn 65 sena (l-medja ta’ 20 % fis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel ma’ 17 % tal-popolazzjoni kollha) speċjalment fost in-nisa (f’dan il-każ, ir-rata tilħaq t-22 %). Dan iwassal għal problema ta’ adegwatezza bejn il-livell ta’ pensjonijiet meta mqabbel mad-dħul tal-bqija tal-popolazzjoni. L-objettiv tal-pensjoni huwa li dawk li rtiraw jingħataw dħul sigur li jissostitwixxi d-dħul li kienu jirċievu meta kienu jaħdmu, filwaqt li jitqies il-livell tal-ħajja ta’ qabel. Fil-ġejjieni, jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi fid-dħul minħabba kontribuzzjonijiet differenti bejn il-pensjonanti, irġiel u nisa, iżda wkoll biex tiġi ggarantita kopertura korretta tar-riskju tat-tixjiħ tal-ħaddiema (irġiel u nisa) impjegati f’impjiegi mhux konvenzjonali jew li kellhom karrieri mhux konvenzjonali. Is-segregazzjoni li għadha teżisti fis-suq tax-xogħol bejn in-nisa u l-irġiel għandha konsegwenzi importanti fuq il-kostituzzjoni tad-drittijiet miksuba u għalhekk fuq il-perspettivi ta’ rtirar tan-nisa (26). Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll li l-ġeneralizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet minimi għandha rwol importanti x’taqdi fil-ġlieda kontra l-faqar fost l-anzjani. Il-KESE jisħaq biex il-Kumitat tal-protezzjoni soċjali u l-MMK jiffokaw b’mod partikolari fuq dan il-punt.
3.6.3 Is-sistemi pubbliċi tal-pensjoni jirrappreżentaw is-sors prinċipali tal-pensjonijiet. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa indispensabbli li jiġu assigurati s-sostennibbiltà u l-vijabbiltà finanzjarja. Il-KESE huwa tal-fehma li l-aħjar garanzija ta’ finanzjament adegwat ta’ dawn is-sistemi pubbliċi hija msejsa fuq rata għolja ta’ impjieg, kif ukoll fuq miżuri komplementari ta’ finanzjament implimentati minn ċerti Stati Membri. Dawn is-sistemi huma bbażati fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u joħolqu rabtiet bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, jippermettu wkoll li jiġu żgurati d-drittijiet għall-pensjoni matul perijodi ta’ qgħad u ta’ waqfien mill-karriera minħabba mard jew raġunijiet relatati mal-familja. L-istabbiltà finanzjarja tagħhom ħarġet fid-dieher matul il-kriżi finanzjarja tal-2008.
3.6.4 B’mod komplementari għal dawn is-sistemi pubbliċi ta’ pensjoni, ġew żviluppati wkoll sistemi komplementari ta’ pensjoni. Dawn jistgħu joffru riżorsi komplementari lill-pensjonanti u għal dan il-għan għandhom jiġu applikati għall-impjegati kollha. Madankollu, ma jistgħux ikunu la soluzzjoni alternattiva għall-problema tal-vijabbiltà tas-sistemi pubbliċi ta’ pensjoni u wisq anqas jistgħu jixħtu dubju fuqhom. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn is-sistemi komplementari għandhom, fl-interess tal-kontributuri u tal-pensjonanti, jissodisfaw għadd ta’ rekwiżiti, b’mod partikolari li jidħlu f’qafas regolatorju Ewropew żviluppat bi ftehim mal-imsieħba soċjali. M’għandhomx ikunu biss fondi ta’ investiment bil-għan li jiggarantixxu pensjoni personali iżda għandhom jiżguraw li jkopru r-riskju tul il-ħajja u jassiguraw dħul għal perijodi ta’ mard u saħansitra ta’ qgħad ekonomiku jew ta’ assenza mix-xogħol minħabba raġunijiet familjari. L-aċċess għal dawn is-sistemi komplementari għandu jkun garantit għall-ħaddiema kollha tas-settur u tal-intrapriża. Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandu jiġi applikat. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll fil-kontroll tal-ġestjoni tagħhom. Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġu promossi l-investimenti li għandhom impatt pożittiv fuq l-impjiegi u li jiġu evitati prattiki purament spekulattivi.
3.7 L-inkapaċità għax-xogħol: xibka importanti tas-sigurtà għall-ħaddiema morda jew b’diżabbiltà
3.7.1 Apparti l-qgħad u l-pensjoni, it-tielet kategorija ta’ benefiċċji ta’ sostituzzjoni tad-dħul tikkonċerna l-benefiċċji mogħtija f’każ ta’ inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà, inċident fil-post tax-xogħol jew mard ikkawżat mix-xogħol. Dan iqajjem il-kwistjoni ta’ dħul ta’ sostituzzjoni adegwat u l-kwistjoni tar-ritorn jew l-aċċess għall-impjieg. Il-KESE jixtieq ifakkar il-pożizzjoni tiegħu li ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-integrazzjoni soċjali (27). Li persuna jkollha dħul hija kundizzjoni indispensabbli għal għajxien indipendenti, iżda mhux neċessarjament kundizzjoni suffiċjenti. F’ħafna każijiet ftit għadha tingħata attenzjoni lill-integrazzjoni tal-persuni involuti fil-ħajja tax-xogħol, minkejja d-dispożizzjonijiet legali maħsuba għal dan il-għan. Ħafna drabi l-arranġamenti prattiċi għal assistenza u appoġġ biex jinstab jew jitkompla impjieg huma ta’ piż u mhux adegwati.
3.7.2 Dawk il-persuni li ma jistgħux jaħdmu għandhom ikunu assigurati appoġġ ta’ dħul suffiċjenti biex jgħixu ħajja dinjituża. F’dan ir-rigward, il-benefiċċju mogħti mhux biss għandu jqis iż-żamma tal-istandard adegwat tal-ħajja iżda wkoll l-ispejjeż speċifiċi li ġġarrab persuna minħabba mard jew diżabbiltà. Il-politiki li għandhom l-għan li jiggarantixxu kura tas-saħħa aċċessibbli u ta’ kwalità għandhom rwol essenzjali x’jaqdu bħalma għandhom il-politiki li jħeġġu l-iżvilupp ta’ infrastrutturi u ta’ servizzi soċjali implimentati f’sitwazzjonijiet ta’ dipendenza bil-għan li tiġi garnatita ħajja deċenti (pereżempju s-servizzi tas-saħħa, l-għajnuna fid-dar, l-għajnuna ta’ terza persuna, eċċ.).
4. Dħul minimu u inklużjoni soċjali
4.1 Fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 1989 dwar il-faqar (28), il-KESE diġà kien irrakkomanda li jiġi stabbilit minimu soċjali maħsub kemm bħala xibka ta’ sigurtà għall-foqra kif ukoll bħala lieva meħtieġa biex dawn jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Din l-opinjoni hija kkwotata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar kriterji komuni dwar riżorsi suffiċjenti u l-assistenza soċjali fis-sistemi ta’ ħarsien soċjali (29). Il-Kunsill jirrakkomanda li titwaqqaf gradwalment garanzija tar-riżorsi fil-qafas tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali ta’ bosta Stati Membri u dan fi żmien 5 snin. Kważi għoxrin sena wara u hekk kif l-Unjoni ddikjarat l-2010 bħala sena tal-ġlieda kontra l-faqar, ta’ min jinnota li dawn it-talbiet u rakkomandazzjonijiet baqgħu ma ntlaqgħux. Fl-2008, il-Kummissjoni speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva (30) li r-Rakkomandazzjoni tal-1992 “tibqa’ strument ta’ referenza għall-politika tal-Komunità dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali u ma tilfet xejn mir-relevanza tagħha; għalkemm fadal xi jsir biex tkun implimentata b’mod sħiħ”. Reċentement, fil-qafas tar-Riżoluzzjoni tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (31), il-Parlament “jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw appoġġ xieraq għad-dħul sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali”; u “jinnota l-bżonn għal livell adegwat ta’ dħul minimu, ibbażat fuq ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE u r-Rakkomandazzjoni 2008/867/KE li għandu jkun adegwat, trasparenti, aċċessibbli għal kulħadd u sostenibbli tul iż-żmien”.
4.2 B’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992, il-KESE jaħseb li din il-garanzija tar-riżorsi għandha tiġi stabbilita billi jitqies il-livell attwali tal-ħajja f’kull Stat Membru. Dan ifisser li għandha ssir referenza għall-indikaturi adatti bħal pereżempju d-dħul medju jew medjan disponibbli fl-Istat Membru, l-istatistika dwar il-konsum tal-familji, il-paga minima legali, jekk teżisti, u l-livell tal-prezzijiet. Barra minn hekk, dan id-dħul minimu jista’ jiġi adattat jew ikkompletat biex jissodisfa bżonnijiet speċifiċi. Dan jinkludi prinċipalment għajnuna għall-akkomodazzjoni u politiki li jiggarantixxu l-aċċess għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità u għall-kontroll tad-dipendenza kbira li diġà ġew implimentati minn bosta Stati Membri. Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva tal-Parlament (32) billi l-għan tiegħu huwa li jtejjeb ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-1992 u jispeċifika li “l-għajnuna soċjali għandha tipprovdi dħul minimu xieraq għal ħajja b’dinjità, tal-anqas f’livell li jkun lil hinn mil-livell ta’ ‘riskju ta’ faqar’”. Madankollu, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-interazzjonijiet eventwali li jistgħu jseħħu bejn din il-garanzija ta’ dħul, assoċjata jew le ma’ interventi konnessi bħal għajnuna għall-akkomodazzjoni, u benefiċċji oħra tas-sigurtà soċjali. Jeħtieġ li jiġi evitat li l-benefiċjarji tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jispiċċaw f’sitwazzjonijiet anqas vantaġġati, billi dan iwassal għal effetti negattivi ċari.
4.3 Il-KESE jfakkar li l-introduzzjoni ta’ dħul minimu għandha tiġi maħsuba fil-qafas ta’ politiki ta’ inklużjoni soċjali u ta’ aċċess għas-servizzi soċjali ta’ kwalità. Minn dan il-lat, huwa jappoġġja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew (33) li “[j]issuġġerixxi li l-Istati Membri jqisu b’mod attiv politika relatata ma’ salarju minimu sabiex jiġi ffaċċjat l-ammont dejjem jikber ta’ ‘persuni fqar li jaħdmu’ u sabiex l-impjieg isir prospett vijabbli għal dawk li jkunu mbiegħda mis-suq tax-xogħol”. Barra minn hekk, il-Kumitat jixtieq jispeċifika li għandha tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni tal-persuni li ma jistgħux jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol minħabba l-età, is-saħħa jew xi diżabbiltà. Jaqbel mal-Parlament Ewropew (34) meta dan jispeċifika li “l-inklużjoni attiva ma tistax tieħu post l-inklużjoni soċjali” u li “għandu jkun hemm dħul minimu u servizzi soċjali aċċessibbli, bi prezz deċenti u ta’ kwalità għolja, indipendentement minn jekk persuna tistax tieħu sehem fis-suq tax-xogħol jew le”.
4.3.1 Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni gradwali ta’ garanzija ta’ riżorsi hija meħtieġa għall-ksib tal-objettiv tat-tnaqqis tal-faqar, liema objettiv huwa inkluż fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandu jiġi maħsub permezz ta’ strument ġdid li jappoġġja b’mod aktar effikaċi l-politiki dwar il-ġlieda kontra l-faqar f’bosta Stati Membri.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 27, 3.2.2009.
(2) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 309, 16.12.2006.
(3) Kummissjoni Ewropea, Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010, Manuskritt, Frar 2010.
(4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2010) 2020.
(5) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128/3, 18.5.2010, punt 4.4.
(6) Kunsill Ewropew, 17.6.2010, Konklużjonijiet, EUCO 13/10.
(7) Idem 5.
(8) Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni, 6.5.2009, 2008/2335(INI).
(9) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 221, 28.8.1989 u ĠU C 128/15, 18.5.2010.
(10) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, 24.6.1992, 92/441/KEE, ĠU L 245, 26.8.1992.
(11) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 302/86, 7.12.2004.
(12) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 128/10, 18.5.2010 u ĠU C 302/86, 7.12.2004.
(13) Artikolu 9 tat-TFUE, ĠU C 115, 9.5.2008.
(14) Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU C 364, 18.12.2000.
(15) Kummissjoni Ewropea, Kumitat għall-protezzjoni soċjali, It-tkabbir, l-impjieg u l-progress soċjali fl-UE - Messaġġi ewlenin, Manuskritt, Settembru 2009.
(16) Klaus Busch, “World Economic Crisis and the Welfare State – Possible solutions to reduce the economic and social imbalances in the world economy, Europe and Germany” (Il-kriżi ekonomika dinjija u l-istat soċjali – Soluzzjonijiet possibbli biex jitnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali fl-ekonomija tad-dinja, l-Ewropa u l-Ġermanja), Analiżi ta’ politika internazzjonali, Friedrich-Ebert-Stiftung, Frar 2010.
(17) Idem 15.
(18) Idem 5.
(19) Idem 1.
(20) Florence LEFRESNE, “Regard comparatif sur l’indemnisation du chômage : la difficile sécurisation des parcours professionnelles”, (Analiżi komparattiva lejn il-benefiċċji tal-qgħad: id-diffikultà li jiġu garantiti possibbiltajiet professjonali), Chronique internationale de l’IRES – no115, Novembru 2008, p. 23.
(21) Idem 18.
(22) Idem 11.
(23) Idem 5.
(24) Idem 11.
(25) Idem 2.
(26) Idem 11.
(27) Idem 5.
(28) Opinjoni tal-KESE, ĠU C 221, 28.8.1989 u ĠU C 128/10, 18.5.2010.
(29) Idem 10.
(30) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008, 2008/867/KE, ĠU L 307, 18.11.2008.
(31) Idem 8.
(32) Idem 8.
(33) Idem 8.
(34) Idem 8.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/34 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/06
Relatur Ġenerali: is-Sinjura KING
F’ittra tat-28 ta’ April 2010, u skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, is-Sinjura Lauretta Onkelinx, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika tal-Belġju, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-presidenza Belġjana futura, biex ifassal opinjoni esploratorja dwar
Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom
Fil-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 Sessjoni Plenara tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sinjura Brenda King bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’113-il vot favur, 6 voti kontra u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Fl-UE llum il-ġurnata hawn 20 miljun tifel u tifla li huma fil-periklu li jgħixu fil-faqar. Il-proporzjon tat-tfal li jgħixu fil-faqar huwa ikbar mill-proporzon tal-adulti fqar (20 % kontra 16 %), u iktar huma mistennija jaqgħu taħt il-linja tal-faqar minħabba l-kriżi ekonomika. L-eżistenza tal-faqar fost it-tfal li jgħixu fl-UE hija prova biżżejjed li qed jiġu miċħuda mid-drittijiet l-iktar fundamentali tagħhom.
1.2 Jekk ma jsir xejn dwar il-faqar fost it-tfal il-konsegwenzi ser iħallu impatt negattiv fuq il-benesseri fil-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tirnexxi l-Istrateġija UE 2020 irid ikun hemm ġenerazzjoni żagħżugħa li għandha edukazzjoni tajba, li tkun f’saħħitha u mimlija tamiet għall-ġejjieni. Kemm l-eżistenza ta’ wisq tfal li huma fil-periklu tal-faqar kif ukoll ir-rikorrenza li biha l-faqar jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra huma kundanna qawwija tal-failliment tal-politiki attwali tal-UE li għandhom iħarsu lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà.
1.3 Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom huma problema multidimensjonali; għadd ta’ rapporti sabu li hemm firxa ta’ fatturi, inklużi l-privazzjoni materjali, in-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa, għal djar diċenti u għall-edukazzjoni li kollha jikkontribwixxu għall-problema. Il-fehma ġenerali hija li dawn il-fatturi huma interkonnessi u interdipendenti, u b’hekk soluzzjonijiet għall-problema jridu jirriflettu dan il-fatt.
1.4 Il-faqar u l-privazzjoni fost it-tfal iwaqqfu miljuni tat-tfal milli jkollhom bidu mill-aqwa għal ħajjithom, u jwasslu biex ixekklu l-iżvilupp personali tagħhom. Ta’ sikwit, interventi fl-istadji bikrija tal-ħajja ta’ tifel jew tifla jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-bqija ta’ ħajjithom. Huwa vitali li jiġu żviluppati politiki adatti sabiex jiġi żgurat li t-tfal kollha, b’mod partikulari dawk fil-partijiet l-iktar marġinalizzati tas-soċjetà, jingħataw l-opportunità li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u għaldaqstant jagħtu kontribut pożittiv għall-futur.
1.5 F’din is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-KESE jilqa’ l-impenn politiku li wera l-Kunsill bid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel it-tnaqqis tal-faqar wieħed mill-ħames miri ewlenin tal-UE li għandhom jintlaħqu sal-2020. L-objettiv huwa li “L-għadd ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-livell tal-faqar għandu jitnaqqas b’ 25 %, u b’hekk aktar minn 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar” (1).
1.6 Madankollu, il-Kumitat jinsab iddiżappuntat li m’hemmx mira speċifika għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal u sabiex jiġi promoss il-benesseri tagħhom, meta wieħed iqis l-attenzjoni politika u l-firxa wiesgħa ta’ inizjattivi dwar din il-kwistjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sa mill-2000.
1.7 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin se tkun Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar li ser ikollha l-għan li “tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b’hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jinħassu b’mod mifrux filwaqt li l-persuni li jgħaddu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw iċ-ċans li jgħixu b’dinjità u jieħdu sehem attiv fis-soċjetà”.
1.8 Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa kollha li din il-Pjattaforma ssir il-qafas għat-tneħħija tal-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tagħhom, billi jiġu żviluppati approċċi multidimensjonali speċifiċi għat-tfal, imsejsa fuq id-drittijiet tat-tfal u appoġġati minn miri speċifiċi li jiffokaw fuq it-tfal u l-familji bit-tfal.
1.9 In-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali enfasizza gruppi partikulari ta’ tfal li huma fil-periklu kbir ta’ faqar estrem, inklużi:
i. |
tfal li jgħixu ġo jew qed jitilqu minn istituzzjonijiet, tfal tat-triq, tfal li jesperjenzaw abbuż, li jiġu ttrattati ħażin jew mitluqa, tfal li l-ġenituri tagħhom għandhom problemi ta’ saħħa mentali, tfal li huma taħt kura, tfal bla dar u dawk li huma vittmi tal-vjolenza fid-dar jew tat-traffikar. |
ii. |
tfal b’diżabilitajiet, tfal minn minoritajiet etniċi, tfal Roma, li qed jitolbu l-ażil u li huma immigranti. |
iii. |
tfal li jgħixu f’żoni rurali fqar ħafna u iżolati fejn hemm nuqqas ta’ faċilitajiet bażiċi, u tfal li jgħixu f’“estates” kbar fuq il-periferiji ta’ żoni urbani ewlenin. |
1.10 Il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tat-tfal, li tagħti lill-UE mandat b’saħħtu biex tiggarantixxi s-soppravivenza, il-ħarsien u l-iżvilupp tat-tfal. Dawn it-tfal vulnerabbli għandu jkollhom l-indikaturi u l-objettivi tagħhom stess fi ħdan il-Pjattaforma tal-UE kontra l-Faqar.
1.11 Il-KESE jappoġġja s-sejħa għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni komprensiva dwar il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri tagħhom, sabiex jiġu stabbiliti objettivi ewlenin u miri ta’ politika u sabiex jinħoloq qafas għal monitoraġġ, skambju, riċerka u reviżjonijiet minn pari li huma kontinwi u li jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv tal-UE 2020 dwar il-faqar.
2. Sfond
2.1 Mill-2000 ’l hawn il-kwistjoni tal-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali saret parti dejjem iktar importanti tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni Soċjali. Ġiet enfasizzata bħala kwistjoni ewlenija f’kull wieħed mir-Rapporti Konġunti dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali (2002–2004). Il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ddikjaraw il-bżonn li “(jittieħdu) l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal b’mod rapidu u sinifikanti, u b’hekk it-tfal kollha jiġu mogħtija opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom” (2).
2.2 L-inizjattiva tal-Presidenza tal-Lussemburgu tal-UE fl-2005 dwar “It-Teħid ’il Quddiem tal-Proċess ta’ Inklużjoni Soċjali tal-UE” sejħet espliċitament għall-“mainstreaming” tat-tfal u għall-adozzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-indikaturi dwar il-benesseri tat-tfal fil-livell tal-UE. Fl-2006 l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal tefgħet attenzjoni partikulari fuq il-kwistjoni tal-inklużjoni soċjali tat-tfal u fuq ir-rwol tal-Proċess tal-Inklużjoni Soċjali tal-UE. F’Jannar 2008 ġew adottati formalment rapport analitiku u rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tal-UE dwar il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri tagħhom. Fi tmiem l-2009 d-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 rrikonoxxa li l-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali huma waħda mill-isfidi fit-tul tal-UE li ġiet iggravata iktar minħabba l-kriżi finanzjara u ekonomika. F’Marzu 2010 tlesta rapport iddettaljat dwar Il-Faqar fost it-Tfal u l-Benesseri Tagħhom fl-Unjoni Ewropea, imħejji minn konsorzju mmexxi minn TARKI, l-Istitut tar-Riċerka Soċjali, għall-Kummissjoni Ewropea.
2.3 It-Trattat ta’ Lisbona tal-2009 jinkludi bħala objettiv espliċitu tal-UE l-promozzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal. Fil-konferenza ta’ ftuħ tas-Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-President tal-Kummissjoni Barroso ddikjara/qal “Ejjew innaqqsu r-rata ta’ periklu ta’ faqar sal-2010 għall-popolazzjoni kollha kemm hi, b’mod partikulari t-tfal u l-anzjani, għaliex iċ-ċifri attwali ma jistgħux jiġu ttollerati”. Il-Belġju, li għandha l-Presidenza tal-UE fit-tieni nofs tal-2010, identifikat b’mod partikulari l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal bħala prijoritajiet ewlenin.
3. Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom fl-UE
3.1 Il-faqar fost it-tfal
3.1.1 Il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom huma sfidi ewlenin madwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-firxa u s-severità jvarjaw ħafna minn pajjiż għal pajjiż, u f’ħafna pajjiżi anke minn reġjun għal reġjun. Għaldaqstant, l-evidenza mill-mewġa tal-2007 ta’ UE-SILC turi dan li ġej (3):
— |
20 % tat-tfal fl-UE huma fil-periklu tal-faqar (4), meta mqabbla ma’ 16 % tal-popolazzjoni kollha. Il-periklu huwa ikbar għat-tfal fil-pajjiżi kollha ħlief f’Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja u s-Slovenja (fil-Latvja il-periklu huwa identiku). F’żewġ pajjiżi (il-Bulgarija u r-Rumanija) il-periklu tal-faqar tat-tfal jasal sa livell għoli ta’ 30-33 %, u bejn 23-25 % f’ħames pajjiżi (il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit), filwaqt li huwa 12 % f’ħames pajjiżi (Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, is-Slovenja u l-Isvezja). |
— |
Huwa essenzjali li flimkien ma’ din l-informazzjoni titqies ukoll id-differenza fil-periklu ta’ faqar nazzjonali (5), li tindika “kemm huma fqar it-tfal fqar” – jiġifieri, il-livell ta’ periklu tal-faqar tat-tfal. Id-differenza fil-periklu ta’ faqar tat-tfal tvarja minn 13 % fil-Finlandja għal 15 % fi Franza sa 40 % fir-Rumanija u 44 % fil-Bulgarija. Il-periklu tal-faqar għandu ħabta jiżdied mal-età tat-tfal f’ħafna mill-pajjiżi. |
— |
Fattur ewlieni ieħor li għandu jitqies meta jiġi kkunsidrata il-faqar fid-dħul huwa t-tul ta’ żmien, jiġifieri kemm idumu t-tfal jgħixu taħt il-limitu tal-periklu ta’ faqar. Kif ġie enfasizzat fir-rapport TARKI msemmi hawn fuq, “għalkemm il-periklu tal-faqar fost it-tfal f’sena partikulari jagħti indikazzjoni tat-theddida tal-privazzjoni u l-esklużjoni soċjali li huma jiffaċċjaw, it-theddida kkonċernata hija ħafna iktar serja jekk ikollhom dħul li huwa inqas minn dan il-livell għal bosta snin”. Għall-20 pajjiż tal-UE li għalihom hija disponibbli d-data UE-SILC meħtieġa, ir-rapport TARKI juri li l-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’familji li kienu fil-periklu tal-faqar għal kull waħda mis-snin 2005-2007 huwa bejn 4-6 % (fl-Awstrija, Ċipru, il-Finlandja, is-Slovenja u s-Svezja) u jitla’ għal 13-16 % (fl-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja u l-Portugall). |
3.2 Privazzjoni materjali
3.2.1 Id-definizzjoni tal-UE ta’ tfal li huma fil-periklu tal-faqar hija msejsa fuq l-għadd ta’ tfal li qed jgħixu f’familji bi dħul baxx. Waqt li dan huwa importanti, din il-miżura mhijiex biżżejjed billi ma tinkludix kull ma hu meħtieġa għat-tfal biex ikollhom bidu tajjeb fil-ħajja. It-tfal jistgħu jgħixu fi djar ta’ livell baxx jew anke jkunu bla dar, jew jgħixu f’inħawi mitluqa, jesperjenzaw livelli għolja ta’ kriminalità, ikunu neqsin mis-saħħa, ikollhom dieta ħażina, jiffaċċjaw iktar perikli ta’ inċidenti u li jweġġgħu, iktar abbuż fiżiku, iktar “bullying”, ikollhom inqas aċċess għall-kura tat-tfal, u aċċess limitat għal servizzi soċjali u tal-familja, ikollhom żvantaġġ fl-edukazzjoni u opportunitajiet ta’ edukazzjoni li jkunu ta’ kwalità baxxa, aċċess limitat jew xejn għal żoni tal-logħob, u faċilitajiet tal-isports u tar-rikreazzjoni jew għal attivitajiet kulturali. Xi tfal jiffaċċjaw iktar minn żvantaġġ wieħed u hekk kif dawn jakkumulaw jistgħu jinteraġixxu u jsaħħu ’l xulxin biex b’hekk iżidu l-esperjenza li t-tfal ikollhom tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali u jsaħħu l-wirt transġenerazzjonali tal-faqar u l-esklużjoni.
3.2.2 Ir-rata tal-privazzjoni materjali għat-tfal kollha fl-UE hija identika għal dik affettwata mill-periklu tal-faqar (20 %). Madnakollu, il-privazzjoni materjali tvarja b’mod iktar sinifikanti madwar l-Istati Membri minn 4-10 % (fil-Lussemburgu, it-tliet pajjiżi Nordiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) sa 39-43 % (fl-Ungerija, il-Latvja u l-Polonja), 57 % (ir-Rumanija) u 72 % (il-Bulgarija). Dawn iċ-ċifri jistgħu jitqabblu mal-firxa tal-periklu tal-faqar li testendi minn 10 % sa 33 %. Din il-varjazzjoni kbira fil-privazzjoni materjali tirrifletti d-differenzi fil-livelli medji ta’ għajxien madwar l-Istati Membri kif ukoll id-distribuzzjoni fihom.
3.2.3 Ir-rata ta’ privazzjoni materjali hija ta’ 46 %, proporzjon li jvarja b’mod sinifikanti – minn 18-28 % (id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja) sa 72-96 % (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija). U fost it-tfal li huma ’l fuq mil-limitu tal-periklu tal-faqar, ir-rata medja tal-UE tal-privazzjoni materjali hija ta’ 13 %. Hawnhekk ukoll, il-firxa hija wiesgħa ħafna: 1-6 % (id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja) u 35-62 % (il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija).
3.2.4 Il-KESE jirrakkomanda li r-rati nazzjonali tal-periklu tal-faqar, il-limiti tal-periklu tal-faqar u r-rati nazzjonali tal-privazzjoni materjali jiġu inklużi bħala indikaturi.
3.3 It-tfal huma l-aktar fil-periklu
3.3.1
3.3.1.1 It-tfal li jgħixu ma’ ġenitur wieħed u dawk li jgħixu f’familji kbar huma fl-ikbar periklu prattikament fil-pajjiżi kollha. Evidenza mill-mewġa tal-2007 tal-UE-SILC tindika li fil-livell tal-UE, 34 % tat-tfal li jgħixu f’familja b’ġenitur wieħed huma fil-periklu tal-faqar, bi proporzjon li jvarja minn 17-24 % (id-Danimarka, il-Finlandja, l-Isvezja) għal 40-45 % (l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, ir-Renju Unit) sa 54 % (Malta). Fir-rigward tat-tfal li jgħixu f’familji kbar (jiġifieri familji li jikkonsistu minn żewġ adulti u tlieta jew iktar tfal), il-periklu tal-faqar għalihom fl-UE huwa ta’ 25 %. Il-proporzjon ivarja minn 12-15 % (il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Isvezja, id-Danimarka, is-Slovenja) għal 41-55 % (l-Italja, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija) sa 71 % (il-Bulgarija).
3.3.2
3.3.2.1 L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) tal-2007 juri li 9,4 % tat-tfal jgħixu f’familji bla xogħol, proporzjon li jvarja minn 2,2-3,9 % (f’Ċipru, il-Greċja, il-Lussemburgu u s-Slovenja) għal 12 % fil-Belġju, 12,8 % fil-Bulgarija, 13,9 % fl-Ungerija u 16,7 % fir-Renju Unit (6). Dawn it-tfal huma f’periklu għoli ħafna – 70 % – ta’ faqar, bil-periklu l-iktar baxx irreġistrat fid-Danimarka u fil-Finlandja (47-49 %) waqt li l-ogħla periklu fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, il-Portugall, ir-Rumanija, u s-Slovakkja (81-90 %).
3.3.2.2 Fir-rigward tal-privazzjoni materjali, meta wieħed jgħix f’familja fejn ħadd ma jkun impjegat bi ħlas, hemm il-possibilità kbira li dan ikollu effett sinifikanti kemm fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien attwali tat-tfal kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet ta’ għajxien fil-futur. Il-qgħad mhux biss iqajjem il-kwistjoni ta’ problemi finanzjarji potenzjali; in-nuqqas ta’ adult li jaħdem fil-familja tat-tifel jew tifla jista’ jillimita wkoll l-opportunitajiet attwali jew futuri biex jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà.
3.3.3
3.3.3.1 In-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali enfasizza gruppi partikulari ta’ tfal li huma f’periklu kbir ta’ faqar iktar sever jew estrem. Dan huwa partikularment evidenti mill-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni tal-Istati Membri u bosta proġetti ta’ skambju transnazzjonali. Dawn il-gruppi jinkludu: tfal bid-diżabilitajiet, tfal minn minoranzi etniċi (b’mod speċjali r-Roma), żgħażagħ li qed jitolbu l-ażil u immigranti, tfal li jbatu l-abbuż, trattament ħażin jew li jkunu mitluqin, tfal li jkollhom ġenituri li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, tfal fil-kura, tfal bla dar u dawk li huma vittma tal-vjolenza domestika jew tat-traffikar, tfal li jgħixu f’żoni rurali fqar ħafna u iżolati fejn hemm nuqqas ta’ faċilitajiet bażiċi, u tfal li jgħixu f’“estates” kbar fil-periferiji ta’ żoni urbani ewlenin (7). Mill-analiżi tal-2007 tal-UE, jidher li l-qagħda tat-tfal ta’ familji migranti, u xi minoranzi etniċi, hija kwistjoni ta’ tħassib li qed jiżdied fl-Istati Membri l-antiki.
3.4 L-effett fit-tul u l-faqar interġenerazzjonali
3.4.1
3.4.1.1 Tema importanti mir-Rapporti Konġunti dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali hija li meta wieħed jikber fil-faqar dan jillimita l-iżvilupp personali u jħalli konsegwenzi fit-tul fuq l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal u fuq is-saħħa futura tagħhom u l-benesseri tagħhom bħala adulti. Iżid il-periklu li jkunu fqar u li jesperjenzaw il-qgħad u l-esklużjoni soċjali bħala adulti. Dan l-impatt fit-tul ġie enfasizzat fir-rapport tal-2007 li kkonkluda li “Tfal li jikbru fil-faqar huma inqas mistennija mit-tfal f’qagħdiet aħjar, li jmorru tajjeb l-iskola, igawdu minn saħħa tajba, ma jkollhomx x’jagħmlu mas-sistema tal-ġustizzja kriminali, u – bħala adulti żgħar – isibu posthom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà b’mod iktar wiesa’”.
3.4.2
3.4.2.1 Ir-rikorrenza li biha l-faqar jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra huwa marbut ma’ dan kollu wkoll, u huwa tema li tfiġġ ta’ spiss/rikorrenti. F’għadd ta’ pajjiżi t-trasmissjoni interġenerazzjonali hija partikularment evidenti fir-rigward tal-edukazzjoni u dan jidher li huwa minnu f’pajjiżi kemm b’livelli għolja kif ukoll baxxi ta’ faqar u esklużjoni soċjali fost it-tfal. Il-modulu UE-SILC tal-2005 dwar it-trasmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi wera li l-opportunitajiet edukattivi fit-tfulija jħallu impatt fuq il-possibilità ta’ faqar fost l-adulti. Għaldaqstant, individwu li l-ġenituri tiegħu jkollhom biss iċ-ċertifkat tal-primarja għandu 23 darba l-periklu li ma jkollux kwalifiki formali meta mqabbel ma xi ħadd li l-ġenituri tiegħu jkollhom edukazzjoni terzjarja.
4. It-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment (benchmarking), il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni
4.1 Sfida ewlenija li trid tingħata attenzjoni partikulari hija li t-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom ikunu fattur ċentrali u viżibbli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE.
4.2 Għal dan il-għan, nirrakkomandaw:
— |
li jinbeda proċess fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jesploraw modi kif jagħmlu l-objettivi soċjali tal-UE iktar viżibbli, li jistgħu jitkejlu u tanġibbli fil-livell tal-UE. |
— |
li jiġi żgurat li l-progress li sar lejn il-miri tal-UE u dawk nazzjonali u lejn prestazzjonijiet imtejba fis-sensiela miftiehma ta’ indikaturi tal-UE jkun immonitorat b’mod rigoruż u bir-reqqa u li jiġi rrappurtat. |
— |
li jiġi żgurat li reviżjonijiet mill-pari jiġu organizzati sabiex jiġu diskussi r-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ monirotaġġ bil-għan li jissaħħaħ it-tagħlim dwar il-politika fl-Istati Membri u fil-Kummissjoni. |
— |
li jiddaħħal approċċ ħafna iktar rigoruż għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni b’enfasi iktar qawwija fuq ir-riżultati u li jiġi żgurat li ssir analiżi kritika indipendenti regolari tal-progress li jsir biex jintlaħqu l-objettivi. Ikun utli li l-elementi ewlenin jinkludu:
|
5. It-twaqqif ta’ Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar
5.1 It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE, u b’mod partikulari li jintlaħqu l-objettivi tal-UE 2020, ser jiddependi b’mod sinifikanti fuq l-inizjattiva ewlenija proposta fi ħdan l-UE 2020, jiġifieri l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar (EPAP).
5.2 L-EPAP trid issir is-simbolu viżibbli ta’ din l-Ewropa Soċjali mġedda. Trid taqdi rwol ċentrali fl-iżgurar li l-fergħat kollha l-oħra tat-tfassil tal-politika tal-UE (pereżempju l-politiki ekonomiċi, tal-kompetizzjoni, tal-edukazzjoni, tal-migrazzjoni, tas-saħħa, tal-innovazzjoni, u dawk ambjentali) jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-UE, inkluża l-mira tal-UE rigward it-tnaqqis tal-faqar.
5.3 Prijorità ewlenija se tkun li kwistjonijiet dwar protezzjoni soċjali adegwata jitqiegħdu fuq quddiem, inklużi l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, il-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal, u d-drittijiet tat-tfal fl-oqsma kollha rilevanti ta’ politika u programmi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali. L-EPAP għandha taqdi rwol ċentrali fil-monitoraġġ u r-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-impatt soċjali u dwar il-punt safejn il-fergħat l-oħrajn ta’ Ewropa 2020 qed jikkontribwixxu għall-għan li jitnaqqas il-faqar.
5.4 Titjib fir-rabtiet bejn l-objettivi tal-inklużjoni soċjali tal-UE u l-objettivi tal-Fondi Strutturali tal-UE
5.4.1 Irid isir adattament ferm iktar mill-qrib bejn l-objettivi ta’ inklużjoni soċjali tal-UE u dawk tal-Istati Membri u l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE. F’dan il-kuntest, l-użu tal-Fondi Strutturali jrid isir parti ewlenija tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni. Eżempju ta’ dan kien il-proposta tal-Kummissjoni fl-2009 mmirata biex jiġi permess li l-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) jiġi użat għall-appoġġ ta’ interventi fil-qasam tad-djar favur komunitajiet marġinalizzati fl-Istati Membri l-ġodda. Dan jista’ jaqdi rwol importanti biex jiżdiedu r-riżorsi għal inizjattivi f’dan il-qasam.
6. Rakkomandazzjonijiet tal-KESE
6.1 Impenn tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-faqar fost it-tfal u l-benesseri tagħhom
6.1.1 Meta wieħed iqis l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020, għandu jiġi żviluppat qafas koerenti għall-indirizzar tal-faqar fost it-tfal u l-benesseri tat-tfal, billi jittieħed approċċ imsejjes fuq id-drittijiet. Għandu jiġi introdott objettiv speċifiku tal-UE għat-tneħħija tal-faqar fost it-tfal u għall-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal.
6.2 Riżorsi adegwati
6.2.1 Għal familji bit-tfal, irid jiġi stabbilit dħul minimu għall-familja bis-saħħa ta’ trasferimenti ta’ flus li jiddipendu fuq l-istat tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, appoġġ finanzjarju jista’ jiġi ggarantit għat-tfal kollha permezz ta’ krediti fiskali u/jew benefiċċji universali ta’ flus.
6.2.2 Benefiċċji universali għat-tfal għandhom jiġu studjati iktar bħala mezz ewlieni kif jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, meta wieħed iqis l-effiċjenza globali fl-amministrazzjoni, in-nuqqas ta’ stigma soċjali u l-utilizzazzjoni frekwenti skont l-analiżi tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (2008).
6.2.3 Billi t-tfal li jgħixu f’familji mingħajr xogħol jiffaċċjaw periklu kbir ħafna ta’ faqar, irid ikun hemm mira sabiex titnaqqas id-differenza fil-faqar għal familji bla xogħol u dawk li jgħixu fil-faqar waqt li jkollhom xogħol, sabiex jitnaqqas il-livell ta’ faqar esperjenzat mit-tfal. Politiki tas-suq tax-xogħol attivi għandhom jappoġġjaw l-impjieg tal-ġenituri u jrid ikun hemm servizzi ta’ kwalità, bħall-kura tat-tfal, li huma lokali, aċċessibbli anke fil-prezz.
6.2.4 Swieq tax-xogħol inklużivi jridu jipprovdu impjiegi ta’ kwalità għall-ġenituri. Sabiex jiġi żgurat li l-ġenituri jqattgħu ħin mat-tfal irid ikun hemm politiki li jippromovu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja.
6.2.5 Għat-tfal li jesperjenzaw faqar estrem, huma meħtieġa l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz ta’ linji ta’ politika soċjali mfasslin tajjeb, u t-tisħiħ tal-isforzi immirati lejn eżiti edukattivi b’suċċess għal kull tifel u tifla, sabiex it-trasmissjoni tal-faqar u l-esklużjoni ma tgħaddix għall-ġenerazzjoni ta’ wara. Politiki tal-inklużjoni u kontra d-diskriminazzjoni jridu jiġu msaħħa, b’mod speċjali fir-rigward tal-immigranti u d-dixxendenti tagħhom u tal-minoranzi etniċi.
6.3 Tfulija bikrija
6.3.1 Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Eurochild li s-servizzi tal-kura tat-tfal iridu jitwessgħu sabiex jadottaw il-kunċett inklużiv ta’ servizzi minn qabel it-twelid sal-livell ta’ qabel l-iskola (preschool) li jkunu miftuħa għat-tfal u l-familji kollha. Il-Eurochild isostni li l-miri ta’ Barċellona jinjoraw ħafna mill-prattiki tajba fil-qasam tal-politika dwar it-tfulija bikrija. Il-KESE jirrakkomanda li fir-rigward tal-miri ta’ Barċellona, hemm il-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ “standards ta’ kwalità” komuni tal-UE għal servizzi għall-ewwel snin ta’ ħajja, inklużi kura u edukazzjoni għas-snin bikrija kif identifikati min-Netwerk tal-Kura tas-Saħħa tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-politiki u l-prattiki nazzjonali, inkluż l-użu tal-Fondi Strutturali.
6.4 Is-Saħħa
6.4.1 Il-KESE jirrakkomanda li l-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar l-Indikaturi tas-Saħħa għandu jiżviluppa indikaturi fir-rigward tat-tfal sabiex jiġu sorveljati u evalwati l-politiki tas-saħħa pubblika u l-impatt tagħhom.
6.4.2 Għandhom jiġu żviluppati indikaturi tas-saħħa mentali għal saħħa mentali pożittiva u problemi mentali fit-tfal.
6.4.3 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Inugwaljanzi fis-Saħħa, li hija mistennija għall-2012, għandha tindirizza s-saħħa tat-tfal.
6.5 Id-Djar
6.5.1 L-Istati Membri tal-UE għandhom jimplimentaw l-impenji u l-azzjonijiet miftiehma waqt il-Ħames Konferenza Ministerjali dwar l-Ambjent u s-Saħħa f’Marzu 2010 fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ewropa dwar l-Ambjent u s-Saħħa tat-Tfal.
6.5.2 Il-Kummissjoni Ewropea għandha taqbel mal-Istati Membri dwar qafas komuni u linji gwida komuni għall-kejl, il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ dwar min m’għandux dar u dwar l-esklużjoni fil-qasam tad-djar, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari liċ-ċirkostanzi tat-tfal.
6.5.3 Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġja u tiffinanzja inizjattivi sabiex tgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jagħlqu istituzzjonijiet residenzjali għat-tfal li huma ta’ kwalità ħażina, u jiżviluppaw minflok alternattivi adatti.
6.6 Protezzjoni mill-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament
6.6.1 Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistudja, flimkien mal-partijiet interessati kollha rilevanti, il-fattibilità li tiġi stabbilita sensiela ta’ indikaturi dwar il-vjolenza kontra t-tfal, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal, li tkopri kwistjonijiet ta’ identifikazzjoni, protezzjoni, prosekuzzjoni u prevenzjoni, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju mill-2009 tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali dwar l-indikaturi.
6.6.2 L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali sabiex jgħinu lit-tfal u jipproteġuhom minn kull forma ta’ vjolenza, inklużi miri ċari u allokazzjonijiet baġitarji, kif ukoll mekkaniżmi fil-livell lokali fejn it-tfal jew oħrajn ikunu jistgħu jirrappurtaw każijiet ta’ vjolenza.
6.7 Miżuri li fil-qofol tagħhom orjentati lejn it-tfal
6.7.1 Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet mal-programm “Nibnu Ewropa għat-Tfal, Magħhom” tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn l-enfasi hija fuq il-parteċipazzjoni tat-tfal.
6.7.2 L-indikaturi attwali li ġew miftiehma fir-rigward tad-dħul u l-privazzjoni materjali jeħtieġ li jitwessgħu sabiex jinkludu indikaturi li fil-qofol tagħhom jenfasizzaw iktar it-tfal. Huwa importanti li l-indikaturi jirriflettu l-istadji varji ta’ żvilupp fit-tfulija, u b’hekk jirriflettu d-dimensjonijiet l-iktar rilevanti u jkopru kull età rilevanti tat-tfal. L-istudju Tarki/Applica jirrakkomanda dawn il-gruppi skont l-età: 0-5, 6-11, 12-17, u għandhom jinkludu dimensjonijiet bħad-dħul, il-privazzjoni materjali, l-edukazzjoni, id-djar, is-saħħa, ir-riskji, il-parteċipazzjoni soċjali.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Skont id-definizzjoni tal-UE, persuni “fil-periklu tal-faqar” huma dawk li jgħixu f’familja fejn id-dħul totali huwa ekwivalenti għal 60 % tal-medjan nazzjonali ta’ dħul ta’ familja waħda (l-iskala ta’ ekwivalenza li tintuża hija dik modifikata tal-OECD).
(2) Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 23/24 Marzu 2006, konklużjonijiet tal-Presidenza, 7775/1.06 riv. 1. pt. 72.
(3) Ara s-sit tal-internet tal-Ewrostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Komunitajiet Ewropej: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/themes.
(4) Tfal “fil-periklu tal-faqar” huma dawk li jgħixu f’familja li hija “fil-periklu tal-faqar”, jiġifieri familja fejn id-dħul totali ekwivalenti huwa inqas minn 60 % tal-medjan nazzjonali ekwivalenti ta’ dħul ta’ familja.
(5) Id-“differenza medjana relattiva ta’ periklu ta’ faqar” (hawnhekk: id-differenza fil-periklu ta’ faqar) tkejjel id-distanza bejn id-dħul medjan ekwivalentizzat ta’ persuni li jgħixu taħt il-livell ta’ periklu ta’ faqar u l-valur ta’ dak il-limitu ta’ periklu ta’ faqar; hija espressa bħala persentaġġ tal-limitu.
(6) Ara s-sit tal-internet tal-Ewrostat: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/statistics/themes.
(7) Din ix-xejra hija rinforzata mir-rapport tal-2007 tan-Netwerk tal-UE ta’ Esperti Indipendenti dwar l-Inklużjoni Soċjali li waslu għall-konklużjoni li “Żewġ gruppi ta’ tfal jieħdu prominenza f’għadd sinifikanti ta’ pajjiżi li qed jiffaċċjaw periklu għoli ħafna u li jesperjenzaw faqar sever u l-esklużjoni soċjali: tfal li jgħixu ġo jew li jitilqu minn istituzzjonijiet u t-tfal Roma. Madankollu, hemm ukoll għadd ta’ sitwazzjonijiet oħrajn li huma enfasizzata kemm-il darba: tfal li jiġu sfruttati fix-xogħol tat-tfal, tfal li huma vittmi tal-vjolenza, tal-abbuż sesswali, tat-traffikar, tal-vizzji u li huma involuti fil-kriminalità, tfal b’diżabilitajiet, minorenni mhux akkumpanjati, tfal f’familji bla dar u tfal tat-triq.” (Frazer and Marlier, 2007).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/40 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi” (Opinjoni esploratorja)
2011/C 44/07
Relatur: is-Sur SALVATORE
Korelatur: is-Sur CALVET CHAMBÓN
F’ittra datata d-9 ta’ Frar 2010, is-Sur Paul MAGNETTE, Ministru tal-Klima u tal-Enerġija, f’isem il-Presidenza tal-Belġju, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jfassal opinjoni esploratorja dwar:
L-impatt tal-bidliet industrijali kkawżati mill-isfidi relatati mal-ekoloġija, l-enerġija u l-klima fuq l-impjiegi
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Lulju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’89 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-kuntest globali li fih saret it-talba tal-Presidenza Belġjana għal analiżi tal-bidliet industrijali fil-qasam tal-impjiegi kkawżati mill-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima, huwa wieħed ikkaratterizzat minn falliment triplu jew biex nużaw terminu inqas aggressiv, minn tliet xenarji negattivi f’nofs kriżi ekonomika kolossali.
|
1.2 |
L-UE għandha tikkontribwixxi b’mod effettiv għal tnaqqis globali tat-tibdil fil-klima u tiżviluppa l-ekonomija tagħha u s-suq tax-xogħol bil-għan li tilħaq l-oġġettivi ta’ Lisbona matul id-deċennju l-ġdid, tikseb pożizzjoni kompetittiva fil-livell globali u taħdem sabiex jinqered il-qgħad tal-massa fl-Ewropa. |
1.3 |
Il-Kumitat u fi ħdanu s-CCMI għamlu bosta kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-isifida tal-enerġija, il-klima, is-sostenibbiltà, il-bidliet industrijali u l-impjiegi. Dawn huma, fost opinjonijiet oħra: CCMI/002, 024, 027, 029, 045, 052 u 053; ECO/267; NAT/392, 440 u 453; TEN/401. Din l-opinjoni ssegwi loġika orizzontali fit-trattament tal-problema iżda huwa ċar ukoll li hemm bżonn ta’ studji reġjonali u settorjali sabiex jiġu kkonkretizzati l-ideat żviluppati hawn, b’mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi. |
1.4 |
L-Istrateġija 2020 tal-Unjoni Ewropea għandha tpatti għall-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Hija għalhekk opportunità ġdida sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-SMEs. Il-KESE jipproponi li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika fil-livell Ewropew u li tiġi promossa idea komuni ġdida tal-kunċett tal-kompetittività. |
1.5 |
L-UE għandha bżonn governanza ekonomika msaħħa fl-istituzzjonijiet tagħha (jiġifieri riflessjoni dwar it-trasferminet tas-sovranità lill-istituzzjonijiet Ewropej f’ċerti oqsma tal-politika ekonomika) sabiextiffavorixxi l-bidliet industrijali li jiġġeneraw ekonomija Ewropea iktar ħadra u impjiegi sostenibbli. |
1.6 |
L-iżvilupp demografiku, il-problemi ambjentali b’mod partikolari fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina, in-nuqqas ta’ ilma tax-xorb f’bosta pajjiżi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma evoluzzjonijiet li jiffavorixxu t-talba globali għal prodotti u teknoloġiji “ħodor” kif ukoll il-ħolqien ta’ “impjiegi sostenibbli”. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat bl-istess mod ukoll il-fatt li r-riservi li nafu bihom tal-materja prima li jiġġeneraw l-enerġija mhumiex infiniti. |
1.7 |
Strateġija tal-impjieg ibbażata fuq ekonomija sostenibbli tista’ tinbena fuq l-għarfien u l-esperjenza żviluppati tajjeb fl-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ li l-UE, li tant għandha bżonn ta’ impjiegi kwalifikati, tippromovi dawn il-vantaġġi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom u fost affarijiet oħra jippromovu x-xjenzi, t-teknoloġija u l-inġinerija. Il-KESE jqis li l-livell attwali ta’ investiment pubbliku fl-edukazzjoni mhuwiex biżżejjed u li għandu jagħmel parti minn strateġija koerenti ta’ tagħlim tul il-ħajja. |
1.8 |
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw transizzjonijiet industrijali li ma jmorrux kontra l-għanijiet tagħhom taż-żamma u l-ħolqien tal-impjieg. |
1.9 |
Ekonomija ħadra li tikkonsisti f’livell għoli ta’ riċerka u ta’ applikazzjoni ta’ konoxxenzi ġodda u li timmira li żżid il-kompetittività għandu jkollha konsegwenzi fuq is-suq tax-xogħol bil-ħolqien ta’ impjiegi li jirrikjedu l-kwalifiki, impjiegi stabbli u tnaqqis fir-riskju tax-xogħol prekarju. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom. |
1.10 |
Is-settur pubbliku jaqdi rwol importanti fl-appoġġ tar-riċerka u fejn jidħlu l-użu effettiv tat-teknoloġiji ħodor ġodda u t-titjib tat-teknoloġiji ħodor eżistenti li huma effikaċi, partikolarment permezz tal-istrumenti fiskali. Għalhekk il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali jirrikjedi setturi pubbliċi f’saħħithom u kkwalifikati b’mod adegwat. Mhuwiex dejjem fl-interess ġenerali li dan jiddgħajjef b’riżultat tal-privatizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha. Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn reviżjoni tal-qafas regolatorju tas-swieq ħielsa tal-enerġija bil-għan li tiġi żgurata ż-żamma tal-interess ġenerali. |
1.11 |
L-impjiegi l-ġodda ser jinħolqu mis-settur privat u fuq kollox mill-SMEs. Ir-rwol tas-settur pubbliku ser ikun ukoll li joħloq qafas stabbli u kostruttiv fil-livell Ewropew li jippermetti lill-intrapriżi li jottimizzaw it-transizzjoni lejn ekonomija iktar ħadra, li taħdem aħjar u li toffri ħafna impjiegi sostenibbli. |
1.12 |
Il-KESE jipproponi li jinħoloq fond Ewropew speċifiku li jappoġġja l-bidliet industrijali u b’mod partikolari ir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji ħodor kemm it-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll it-teknoloġiji l-ġodda li jippermettu t-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet fl-industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija. |
1.13 |
Il-Kumitat ifakkar li l-UE għandha bżonn bażi industrijali solida li hija indispensabbli sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-impjiegi sostenibbli. Ħafna impjiegi, anki dawk fis-servizzi jiddependu mis-suċċess tal-industija Ewropea. Huwa għalhekk li l-bidliet industrijali jvarjaw minn settur għal ieħor u minn reġjun għal ieħor u għandhom iseħħu bil-mod sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi fuq is-swieq tax-xogħol u mingħajr ma jiġi kompromess in-netwerk industrijali indispensabbli. Mhijiex kwistjoni ta’ ħolqien ta’ ostakli għall-politiki ambjentali iżda iktar kwistjoni tal-ġestjoni tagħhom b’mod iktar soċjalment sostenibbli. |
1.14 |
Il-KESE jirrakkomanda li r-riforma tal-politika agrikola komuni wara l-2013 tqis l-importanza tal-agrikoltura u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sinerġiji neċessarji ma’ politiki komunitarji oħra fil-qasam tar-riċerka, tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-modernizzazzjoni industrijali. |
1.15 |
L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjajri. Id-dħul minn din it-taxxa għandu jintuża sabiex jitnaqqas id-defiċit fil-baġits pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk dawn jingħataw iktar spazju sabiex, pereżempju, jiffinanzjaw aħjar is-sistemi edukattivi tagħhom. |
1.16 |
Il-bidliet industrijali għal ekonomija ħadra jitolbu formulazzjoni totalment ġdida tal-kunċetti tat-tkabbir u l-kompetittività. Il-KESE diġà esprima ruħu favur approċċ ġdid sabiex jitkejjel il-progress ekonomiku u soċjali. Huwa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-bidliet industrijali u l-impjieg mhux ser ikunu kompatibbli mal-għanijiet tas-sostenibbiltà jekk l-UE u l-bqija tad-dinja ma jilħqux ftehim dwar idea ġdida tat-tkabbir. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija 2010 mhix biżżejjed. |
1.17 |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet Ewropej li jaħdmu favur kundizzjonijiet ugwali fil-livell globali sabiex b’hekk jiġu evitati r-rilokazzjonijiet jew it-tneħħija ta’ setturi sħaħ, li huma ta’ ħsara għall-impjiegi u għall-ambjent. |
1.18 |
Bħala l-vuċi istituzzjonali tas-soċjetà ċivili Ewropea u forum importanti għad-djalogu strutturat, il-KESE jaħdem favur il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini Ewropej fid-dibattitu kbir u neċessarju dwar il-bidliet industrijali, l-impatt tagħhom fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll fuq ir-ritmu u r-riperkussjonijiet soċjali u globali tagħhom. |
2. L-ambitu tal-opinjoni
2.1 |
Il-Presidenza tal-Belġju talbet li dan id-dokument ikun ta’ natura politika u li jiftaħ direzzjonijiet ġodda ta’ riflessjoni. Skont ir-rappreżentanti tal-Presidenza, l-approċċ ta’ dan it-test m’għandux ikun settorjali iżda orizzontali u ġenerali. Dan mhuwiex studju iżda strateġija politika. Il-Presidenza tal-Belġju qed tipprevedi li teżamina din l-opinjoni matul il-Kunsill informali tal-Ministri tal-Enerġija. |
2.2 |
L-isfidi relatati mal-ekoloġija u l-klima huma dawk li ffurmaw il-bażi tal-istqarrijiet tal-Kunsill Ewropew fis-summit ta’ Kopenħagen. L-isfida tal-enerġija għandha bosta dimensjonijiet. L-aċċess tal-Ewropej għar-riżorsi tal-enerġija għandu jiġi żgurat fil-qafas tal-politika internazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Dan l-aspett mhux indirizzat f’din l-opinjoni li tittratta l-isfidi relatati mal-enerġija fil-qafas tal-bidliet industrijali kkawżati mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tagħhom fuq l-impjiegi fl-Ewropa. |
2.3 |
Din l-opinjoni tuża l-kelma “aħdar” (u l-varjanti tagħha) sabiex tiddeskrivi oġġetti jew metodi tal-produzzjoni relatati mal-loġika tas-sostenibbiltà li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tisħin globali tal-klima. Il-KESE jinkoraġġixxi li l-ekonomija ssir iktar ħadra u fir-rigward tas-swieq tax-xogħol jitlob li jinħolqu kemm jistgħu impjiegi ħodor (inkluż it-taħriġ/il-kwalifiki) meħtieġa biex jinkiseb dan ir-riżultat, jiġifieri impjiegi li huma kemm ta’ kwalità fejn jidħol il-livell ta’ kwalifiki, kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu l-inklużjoni soċjali (ara l-opinjoni TEN/401 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” li tikkwota d-definizzjoni ta’ impjiegi ħodor tad-direttur tad-Dipartiment tal-Analiżi tal-Ekonomija u tas-swieq tax-xogħol tal-BIT b’risposta għal inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni Ewropea. F’dan il-kuntest il-KESE jfakkar l-opinjoni tiegħu tal-2009 dwar il-“flessigurtà” (1). |
3. L-isfidi, il-kisbiet u opportunità ġdida
3.1 |
Jeħtieġ li nfakkru fil-qosor il-kuntest globali li fih saret it-talba tal-Presidenza Belġjana. Dan il-kuntest jikkorrispondi għal sfidi li jistgħu jinġabru fi tliet aspetti negattivi relatati. |
L-isfidi - il-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona
3.2 |
L-Istrateġija ta’ Lisbona hekk kif ġiet definita fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2000, immirat li “l-UE ssir l-ekonomija l-iktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, msejsa fuq l-għarfien, kapaċi li ssostni tkabbir ekonomiku b’aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar u b’aktar koeżjoni soċjali”. |
3.3 |
Fil-bidu tal-2010, il-Kumitat jeħtieġlu josserva li sfortunatament dawn l-objettivi, magħżula tajjeb u meħtieġa, ma ntlaħqux. L-ikbar problemi jinsabu fil-qasam tal-impjiegi. L-Istrateġija ta’ Lisbona mmirat fost affarijiet oħra fuq l-effetti pożittivi fuq l-impjiegi ta’ ekonomija iktar kompetittivà. |
L-isfidi - il-falliment tar-regoli tas-suq finanzjarju
3.4 |
It-tkabbir ekonomiku ta’ bejn l-2005 u l-2008 kien riżultat ta’ bosta fatturi. Il-pajjiżi Ewropej orjentati lejn l-esportazzjoni tal-oġġetti industrijali proftittaw mid-domanda kbira tal-pajjiżi tal-Asja, prinċipalment iċ-Ċina. Ċerti pajjiżi Ewropej raw tkabbir li issa nafu li xejn ma kien sostenibbli fis-setturi tal-ispekulazzjoni finanzjarja u tal-bini. Il-progress sar abbażi ta’ domanda esterna u ta’ livell għoli ta’ spekulazzjoni fis-settur tal-proprjetà. Dan ma kienx tkabbir sostenibbli fl-Unjoni Ewropea. It-tkabbir sostenibbli u s-swieq tax-xogħol effiċjenti jiddependu kemm mill-esportazzjoni kif ukoll mid-domanda interna. |
3.5 |
Il-kriżi finanzjarja gloabli temmet kull tama marbuta mal-Istrateġija ta’ Lisbona. Din kienet falliment totali. Il-qgħad fl-Ewropa qed ikompli jiżdied u tmiem-il kriżi għadu ma jidhirx. Is-soċjetà tat-tkabbir għadha ma saritx realtà fid-dawl tad-diffikultatjiet ta’ bosta Stati Membri fis-sistemi tal-edukazzjoni tagħhom u l-ammont ta’ PDG li jmur għar-riċerka fl-UE, li f’ħafna pajjiżi ma jilħaqx l-objettivi ta’ Lisbona fil-qasam. Id-dejn pubbliku, u f’ċerti każijiet id-dejn privat, qed jilħqu livell tant għoli fl-Unjoni Ewropea li ċerti Stati Membri jinsabu fil-periklu li jfallu. Jeħtieġ li s-soluzzjoni għal dawn il-problemi, il-qligħ u l-infiq ma jostakolawx l-investimenti importanti. |
L-isfidi - il-falliment tas-summit ta’ Kopenħagen
3.6 |
Il-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg żied dimensjoni ġdida għall-Istrateġija ta’ Lisbona. L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ngħaqdet mal-Istrateġija ta’ Lisbona. L-idea globali kienet analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-politiki Ewropej inkluż l-ewwel u qabel kollox id-dimensjoni globali tat-tibdil fil-klima. |
3.7 |
In-NU pruvat tilħaq ftehim globali f’Kopenħagen bejn is-7 u t-18 ta’ Diċembru 2009 sabiex issaħħaħ il-ġlieda kontra t-tisħin tal-klima ikkawżat, skont l-analiżi tal-maġġoranza tax-xjentisti, mill-emmissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra. Il-192 pajiż li rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (CCUNCC) tal-1997 ippruvaw għalxejn li jerġgħu jinnegozjaw ftehim internazzjonali dwar il-klima li jieħu post il-protokoll ta’ Kjoto li ilu fis-seħħ mill-2005. |
3.8 |
Huwa ċar li t-tibdil fil-klima u t-tniġġis ambjentali, b’mod partikolari fil-bliet il-kbar, huma problema kbira. Barra minn hekk l-evoluzzjoni demografika fil-livell globali titlob risposti urġenti. Disa’ biljun persuna ma jistgħux jgħixu jekk ir-riżorsi ma jintużawx b’mod iktar sostenibbli u ġust. Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ enerġija u tal-aċċessibbiltà tagħha ser titfaċċa iktar jekk is-soċjetajiet ma jsibux risposti intelliġenti qabel ma jkun tard wisq. F’din is-sitwazzjoni, hemm bżonn li jintużaw it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet eżistenti, bħal pereżempju dawk li permezz tagħhom tkun tista’ titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini eżistenti. Barra minn hekk, teknoloġiji ġodda huma indispensabbli b’mod partikolari għall-industriji li jużaw ħafna enerġija iżda hemm bżonn li tiżviluppa wkoll kuxjenza ġdida dwar l-assi pubbliċi bħall-ilma, li hemm bżonn jiġi ġestit u kkonservat aħjar, filwaqt li l-aċċess għalih għandu jitqies bħala dritt tal-bniedem. |
3.9 |
Din id-dimensjoni globali hija sinifikanti għax toffri opportunitajiet għal industrija innovattiva fl-Ewropa li hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ kompetittività fejn jidħol is-suq tal-oġġetti u s-servizzi “ħodor”. Billi tiddefendi l-pożizzjoni favorevoli tagħha mingħajr inġenwità fil-livell internazzjonali, l-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tiżviluppa l-ekonomija u s-suq tax-xogħol tagħha bil-għan li tilħaq l-oġġettivi ta’ Lisbona. |
L-isfidi - il-punti ta’ referenza tal-Kumitat
3.10 |
Matul dawn l-aħħar snin, il-Kumitat u fi ħdanu s-CCMI għamlu bosta kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-isifida tal-enerġija, il-klima, is-sostenibbiltà, il-bidliet industrijali u l-impjiegi. Din l-opinjoni tqis din il-ħidma importanti. L-elementi l-ġodda ġejjin mill-fatt li ġew ikkunsidrati t-tliet fallimenti (tal-Istrateġija ta’ Lisbona, tar-regoli tas-swieq finanzjarji u tal-konferenza ta’ Kopenhagen) li ġew deskritti hawn fuq. |
3.11 |
Il-KESE diġà enfasizza l-bżonn li l-kompetittività tingħaqad mal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali (2). |
3.12 |
Il-KESE jqis li l-istrateġija tal-impjiegi ma tistax tiġi indirizzata mingħajr ma jitqies ukoll il-kuntest makroekonomiku (3). |
3.13 |
Il-KESE fakkar li l-ipoteżi dwar bidla globali fil-klima kkważata mill-bniedem b’riżultat taż-żieda fil-gassijiet b’effett ta’ serra ġiet validata mid-deċiżjonijiet ta’ politika tal-Istati involuti u mill-Unjoni Ewropea. (4) |
3.14 |
Is-CCMI irrefera wkoll għat-tema tal-iżvilupp sostenibbli u tal-bidliet industrijali bil-għan li jikkunsidra kif l-iżvilupp sostenibbli, hekk kif jiddeskrivih Brundtland, jista’ jkun katalista tal-bidliet industrijali. Id-definizzjoni tal-iżvilupp sostenibbli li ppreżentat il-Kummissjoni Globali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp fl-1987 fir-rapport ta’ Brundtland hija wkoll il-bażi ta’ din l-opinjoni. |
3.15 |
Il-Kumitat adotta opinjoni fejn osserva “revoluzzjoni industrijali ġdida, fejn fil-qalba tal-iżvilupp qed jitpoġġew il-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent”. (5) |
3.16 |
Il-KESE enfasizza li bażi industrijali solida hija kruċjali għall-mudell soċjali Ewropew. Huwa jwissi kontra “r-rilokazzjoni potenzjali tal-industrija li tuża ħafna enerġija barra mill-UE [li] tnaqqas b’mod sinifikanti l-attrazzjoni taż-żoni industrijali Ewropej u twassal għal tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi” (6). F’dan il-kuntest il-KESE ser isegwi b’interess il-konkretizzazzjoni tal-inizjattivi prinċipali “Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi” u “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” li jinsabu fl-Istrateġija UE 2020. |
3.17 |
Il-KESE jitlaq mill-punt li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) mhuwiex indikatur adatt “għat-tfassil tal-linja politika li għandha tittieħed sabiex negħlbu l-isfidi tas-seklu 21” (7). Il-Kumitat adotta opinjoni fejn jirrakkomanda li l-Kummissjoni timpenja ruħha sabiex tinkludi miżuri ġodda fl-istrateġija 2020 “sabiex sal-2011 jiġi stabbilit qafas li jippermetti li jitħejjew proposti ċari għal azzjonijiet kumparabbli fil-livell dinji biex jitressqu fis-summit dinji għall-iżvilupp sostenibbli li ser torganizza n-NU fl-2012”. (8) |
3.18 |
Fir-rigward tal-Istrateġija “Europe 2020” il-Kumitat jitlob li jingħata prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. (9) |
3.19 |
Il-KESE kkritika l-Kummissjoni li ma għamlitx iktar biex tiżviluppa l-analiżi tagħha madwar temi prinċipali tal-futur jiġifieri “ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u riżorsi naturali oħrajn, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-iżvilupp sostenibbli (10)”. Sabieħ jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-istrateġija tal-iżvilipp sostenibbli tal-UE għandha bżonn “struttura ta’ governanza kompletament ġdida” (11). Il-KESE ħass li kien hemm bżonn li jinstab mod ġdid ta’ kif jitkejjel il-progress fil-benesseri tal-bniedem. |
3.20 |
Fl-aħħar il-KESE jfakkar li l-pajjiżi industrijali l-iktar żviluppati tad-dinja għandhom inaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra b’mill-inqas 80 % minn issa sal-2050. |
Opportunità ġdida: l-istrateġija “Ewropa 2020”
3.21 |
L-Istrateġija UE 2020 għandha tpatti għall-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat Komunikazzjoni fejn iddeskriviet l-approċċ il-ġdid li ser imexxi l-bidliet soċjoekonomiċi tal-UE (COM(2010) 2020). Il-Kummissjoni tistqarr li trid tfassal strateġija li tbiddel lill-UE “f’ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tikseb livelli għoljin fl-oqsma tal-impjiegi, tal-produttività u tal-koeżjoni soċjali.” Il-KESE jistqarr li t-termini użati fl-2000 għall-istrateġija preċedenti ġew abbandunati. Skont il-Kummissjoni l-UE għandha tippromovi ekonomija iktar ħadra fost affarijiet oħra permezz ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 3 % tal-PDG, rata ta’ 75 % tal-impjieg fost il-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn 20-64 u importanti fil-kuntest ta’ din l-opinjoni, tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, l-1990. Il-Kummissjoni tixtieq li l-kwalità tal-edukazzjoni tissaħħaħ sabiex ikun hemm tkabbir intelliġenti bbażat fuq titjib fil-kompetittività “fil-konfront tas-sħab kummerċjali tagħna permezz ta’ livelli aktar għoljin ta’ produttività”. L-UE għandha żżomm ir-rwol mexxej tagħha fis-suq tat-teknoloġiji ħodor iżda l-vantaġġ tat-teknoloġiji ħodor fis-suq qiegħed jiġi “sfidat mill-kompetituri tagħha prinċipalment iċ-Ċina u l-Amerika ta’ Fuq”. |
3.22 |
L-ewwel reazzjonijiet jirriflettu diżappunt fid-dawl ta’ dak li kienu qed jistennew iċ-ċittadini Ewropej mill-gvernijiet tagħhom u tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, mill-gvernanza Ewropea. Ir-rappreżentanti tal-gruppi fil-Parlament Ewropew iddeskrivew l-istrateġija tal-Kummissjoni bħala waħda xejn ambizzjuża u mhux biżżejjed sabiex tirrispondi għall-isfidi attwali u tal-futur. |
3.23 |
Il-KESE huwa tal-fehma li r-rwol determinanti tal-SMEs għandu jissaħħaħ fl-Istrateġija UE 2020 għax huma l-SMEs li joħolqu l-ikbar ammont ta’ impjiegi fl-Ewropa u huma bla dubju l-mutur tal-bidliet industrijali. Għalhekk il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ l-isforzi tagħha favur l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li minnha għandhom japprofittaw l-SMEs, għax ħafna drabi dawn ma jkollhomx mezz kif iħarsu l-invenzjonijiet tagħhom. |
3.24 |
Il-KESE jipproponi li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika fil-livell Ewropew u jippromovi kunċett ġdid u komuni tal-kompetittività. Huwa għalhekk li l-bidliet industrijali li qed iseħħu huma importanti sabiex
jistgħu joħolqu iktar xogħlijiet ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri tal-UE sakemm is-sistemi edukattivi jiġu mtejba u sakemm jiżdiedu wkoll l-investimenti fir-riċerka. |
4. Fil-livell Ewropew, kif jistgħu jiġu faċilitati l-bidliet industrijali li jappoġġjaw l-għanijiet fil-qasam tal-klima u l-impjieg?
4.1 |
L-UE għandha bżonn governanza ekonomika msaħħa kemm fl-istituzzjonijiet tagħha (jiġifieri riflessjoni dwar it-trasferminet tas-sovranità lill-istituzzjonijiet Ewropej f’ċerti oqsma tal-politika ekonomika) kemm fil-livell tal-Kunsill Ewropew kif ukoll fil-livell tal-grupp tal-Euro. Il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja juru li hemm bżonn ta’ iktar koordinazzjoni sabiex tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq intern u jiġu favoriti l-bidliet industrijali li permezz tagħhom l-ekonomija Ewropea ssir iktar ħadra u jinħolqu impjiegi sostenibbli. |
4.2 |
L-impjiegi sostenibbli għandhom futur għax ser jirriżultaw mill-bidliet globali li ser isiru sfidi li jkollhom jiġu affaċjati fil-livell tal-UE u mhux biss fil-livell tal-Istati Membri. Dawn il-bidliet huma:
|
4.3 |
Dawn il-bidliet indisputabbli jiffavorixxu d-domanda għal prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi u konsegwentement industrija moderna li tippromovi impjiegi sostenibbli. Dawn l-impjiegi ser ikunu ekwi, produttivi u jiggarantixxu transizzjoni ġusta u kompetittività kbira. Min-naħa l-oħra din mhux ser tiġi minn loġika kwantitattiva tat-tkabbir ekonomiku bbażat fuq industriji li jużaw ħafna enerġija iżda minn loġika ta’ sostenibbiltà. Għal darb’ oħra jidher ċar li hemm bżonn ta’ approċċ strateġiku settorjali. Huma prinċipalment is-setturi industrijali u teknoloġiċi bażiċi pereżempju tal-bini, tal-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija iżda wkoll tat-teknoloġiji ħodor il-ġodda li jistgħu jimmultiplikaw l-effett tal-bidliet industrijali lejn ekonomija iktar umana u iktar ħadra. |
4.4 |
Dawn il-bidliet industrijali ser jikkontribwixxu wkoll għall-istabbiltà tas-soċjetajiet u s-sigurtà internazzjonali għax l-impatt negattiv tat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta’ provvista u ż-żieda fil-popolazzjoni globali huma riskji kbar għall-paċi fis-seklu 21. L-isfidi f’dan il-livell huma tant li s-soluzzjonijiet ma jistgħux jinstabu fil-livell nazzjonali iżda biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-livell internazzjonali u fl-UE. L-ispjazu integrat tal-UE għandu jkollu l-mezzi ta’ politika u legali neċessarji sabiex ikun jista’ jaqdi din il-missjoni. |
4.5 |
Strateġija tal-impjiegi bħal din toffri gwadann kemm f’termini ta’ produzzjoni kif ukoll f’termini ta’ profitt fil-perijodu medju u fit-tul. Illum hija tista’ tinbena fuq l-għarfien u l-esperjenza żviluppati tajjeb fl-Istati Membri tal-UE u fuq il-parteċipazzjoni fis-suq globali fil-qasam tat-teknoloġiji ħodor. Dawn l-aspetti pożittivi għandhom jiġu promossi mill-UE permezz ta’ linji gwida, ta’ fondi Ewropej u bi ftehim bejn l-imsieħba soċjali (b’mod partikolari, ftehimiet fil-qafas ta’ Artikolu 155 tat-TFUE) permezz ta’ leġislazzjoni Ewropea li tħejji t-transizzjoni lejn ekonomija sostenibbli b’suq tax-xogħol ikkaratterizzat minn livell ta’ qgħad baxx u impjiegi ta’ kwalità. Ekonomija ħadra li tikkonsisti f’livell għoli ta’ riċerka u ta’ applikazzjoni ta’ għarfien ġdid għandu jkollha konsegwenzi pożittivi fuq is-suq tax-xogħol bil-ħolqien ta’ impjiegi li jirrikjedu l-kwalifiki, impjiegi stabbli u tnaqqis fir-riskju tax-xogħol prekarju. |
4.6 |
Dawn il-konsegwenzi pożittivi għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità aktar milli għall-ħolqien ta’ impjiegi atipiċi, jew prekarji bħal dawk li żviluppaw f’ċerti setturi tas-suq tas-servizzi. Impjiegi prekarji bħal dawn ma jiffavorixxux it-tisħiħ tas-soċjetà tal-għarfien li hija mingħajr dubju kundizzjoni importanti għal ekonomija kompetittiva u sostenibbli. L-UE teħtieġ minflok impjiegi kwalifikati. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jinvestu iktar fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ kontinwu tagħhom. Il-KESE jqis li l-livell attwali ta’ investiment pubbliku fl-edukazzjoni mhuwiex biżżejjed u għandu jagħmel parti minn strateġija koerenti ta’ tagħlim tul il-ħajja. |
4.7 |
L-idea tal-kompetittività għandha tiġi riveduta fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni mhix ambizzjuża biżżejjed fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2010. L-investimenti fit-teknoloġiji ambjentali l-ġodda flimkien ma użu aħjar ta’ dawn li jeżistu diġà jitolbu dejjem sforz fil-preżent li mhux bilfors iżid il-kompetittività mill-ewwel iżda fuq perijodu itwal ta’ żmien. |
4.8 |
L-UE għandha tirrevedi l-idea tagħha tar-rwol li taħseb li jista’ jaqdi s-settur pubbliku fl-Istati Membri fil-promozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda, il-bidliet industrijali u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli. Is-settur pubbliku jista’ jkollu l-kapaċità jinvesti fuq perijodu twil fil-promozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda li ma jrendux profitt mill-ewwel iżda li huma promettenti għall-futur filwaqt li jippromovi wkoll b’mod adatt teknoloġiji effettivi li diġà jeżistu. Is-settur pubbliku jaqdi rwol importanti fl-appoġġ tar-riċerka u fejn jidħol l-użu effettiv tat-teknoloġiji l-ħodor ġodda u t-titjib fit-teknoloġiji l-ħodor effettivi li diġà jeżistu, partikolarment permezz tal-istrumenti fiskali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-ewwel jiżguraw investimenti li huma l-iktar effikaċji sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-produzzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-Fondi Ewropej imsemmija hawn taħt jistgħu jikkontribwixxu għal dan. |
4.9 |
Għalhekk il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali jirrikjedi setturi pubbliċi f’saħħithom u kkwalifikati b’mod adegwat. Mhuwiex dejjem fl-interess ġenerali li dan jiddgħajjef b’riżultat tal-privatizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha. Is-settur pubbliku, u kull fejn ikun possibli, fi sħubija mas-settur privat, għandu jkun kapaċi jagħmel l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura pubblika għas-servizz taċ-ċittadini u tal-industrija Ewropea. Is-sussidji li minnhom jibbenefikaw biss ċerti intrapriżi għandhom jiġu evitati sabiex ma jitfixkilx it-tħaddim tas-suq. L-Istati Membri għandhom iktar jużaw strumenti fiskali sabiex jiffaċilitaw il-bidliet industrijali ħodor. |
4.10 |
Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija s’issa għadha la tat kontribut fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi u lanqas fit-tnaqqis tal-prezzijiet. Jeżisti riskju kbir ta’ investiment baxx fin-netwerks tal-enerġja. Il-qafas regolatorju tas-swieq liberalizzati għandu jiġi rivedut sabiex tinħoloq kompetizzjoni effettiva fl-interess taċ-ċittadini Ewropej, sabiex ikun hemm sigurtà tal-provvista u sabiex jintlaħqu l-għanijiet fil-qasam tal-klima. |
4.11 |
Il-KESE jipproponi li jinħoloq fond Ewropew speċifiku li jappoġġja l-bidliet industrijali u b’mod partikolari ir-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji ħodor, kemm teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll teknoloġiji ġodda li jippermettu tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet. |
4.12 |
Il-Kumitat ifakkar li l-UE għandha bżonn bażi industrijali soda. Huwa jenfasizza li l-importanza soċjoekonomika tas-setturi industrijali li jużaw ħafna enerġija tvarja skont ir-reġjuni Ewropej. Għalhekk il-bidliet industrijali għandhom ikunu gradwali biex jippermettu t-transizzjoni u b’hekk jiġu evitati r-riperkussjonijiet negattivi fis-suq tax-xogħol tar-reġjuni kkonċernati. Il-provvista tal-enerġija hija kwistjoni strateġika għall-futur. Hemm bżonn ta’ iktar investiment f’teknoloġiji ġodda li jippermettu li tiżdied il-produttività b’mod effettiv meta mqabbel mal-enerġija użata u fl-istess waqt inaqqsu wkoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-impjiegi fl-industriji li jużaw ħafna enerġija jistgħu jsiru iktar sikuri jekk jittejjeb il-bilanċ fl-użu tal-enerġija tagħhom. |
4.13 |
Il-KESE jirrakkomanda li r-riforma tal-politika agrikola komuni wara l-2013, li diġà kienet it-tema ta’ opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, u li dwarha kien hemm kunsens mifrux, għandha tiggarantixxi żvilupp li jirrifletti l-importanza tal-agrikoltura għaż-żoni rurali tal-UE (li jammontaw għal iktar minn 80 % tat-territorju tagħha) u l-impenji internazzjonali li ttieħdu fil-konfront tal-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp. Il-proċess ta’ reviżjoni għandu jagħti kontribut sabiex is-sinerġiji neċessarji jiġu ottimizzati filwaqt li l-politiki Ewropej l-oħra fl-oqsma tar-riċerka, it-teknoloġiji l-ġodda u l-modernizzazzjoni industrijali jingħataw spinta. Dan jgħodd b’mod partikolari għas-setturi u r-reġjuni li huma milquta b’mod partikolari mill-bidliet li qed iseħħu jiġifieri dawk li għandhom l-industriji li jużaw ħafna enerġija li għandhom jinvestu fit-teknoloġiji nodfa l-ġodda sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom, bil-għan li jipproteġu l-impjiegi tagħhom. |
4.14 |
L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjajri sabiex jevitaw l-effeti distruttivi tal-ispekulazzjoni u b’hekk jistabbilizzaw is-settur bankarju u fiż-żona tal-euro jsaħħu l-munita unika. Id-dħul minn din it-taxxa għandu jintuża sabiex jitnaqqas id-defiċit fil-baġits pubbliċi tal-Istati Membri u b’hekk dawn jingħataw iktar spazju sabiex pereżempju jiffinanzjaw aħjar is-sistemi edukattivi tagħhom. Finanzi pubbliċi sani u swieq tax-xogħol b’forza tax-xogħol ikkwalifikata huma l-bażi ta’ transizzjoni ħadra fl-industrija Ewropea. |
4.15 |
Revoluzzjoni industrijali bħal din għandha konsewgenzi soċjali li ser joħolqu loġika ta’ sostenibbiltà. Il-bidliet industrijali għal ekonomija ħadra jitolbu formulazzjoni totalment ġdida tal-kunċetti tat-tkabbir. Illum-il ġurnata ċ-ċittadin huwa definit mill-kapaċità tiegħu li jikkonsma. Ser inkunu kapaċi niddefinixxu l-benesseri f’termini ta’ saħħa fiżika u mentali, id-drittijiet demokratiċi u parteċipattivi, l-inklużjoni soċjali (li tfisser partikolarment l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol bil-kundizzjoni li l-impjiegi jkunu ta’ kwalità), il-provvista tal-enerġija u l-aċċess għall-beni pubbliċi u s-servizzi ta’ interess ġenerali? Jeħtieġ li nifhmu li approċċ bħal dan ikun jirrifletti idea ġdida ta’ tkabbir u tal-funzjoni tal-ekonomija. Il-kwantitajiet imkejla skont il-PDG mhux biżżejjed biex dan jinkiseb. Il-KESE diġà esprima ruħu favur approċċ ġdid biex jitkejjel il-progress ekonomiku u soċjali. Huwa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-bidliet industrijali u l-impjiegi mhux ser ikunu kompatibbli mal-għanijiet tas-sostenibbiltà jekk l-UE u l-bqija tad-dinja ma jilħqux ftehim dwar idea ġdida tat-tkabbir. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija 2010 mhix biżżejjed. |
4.16 |
Il-KESE huwa tal-fehma li huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet Ewropej li jaħdmu favur kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd fil-livell globali sabiex b’hekk jiġu evitati r-rilokazzjonijiet jew it-tneħħija/il-qerda ta’ setturi sħaħ li huma ta’ ħsara għall-impjiegi u għall-ambjent. L-Ewropa għandha tkun il-mutur ta’ prattiki tajba iżda għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni globali tagħhom bl-inqas dewmien possibbli sabiex b’hekk jiġu evitati –konsegwenzi negattiv (inklużi ambjentali) kkważati minn implimentazzjoni limitata għall-Ewropa biss. |
4.17 |
Bħala l-vuċi istituzzjonali tas-soċjetà ċivili Ewropea u forum importanti għad-djalogu strutturat, il-KESE jaħdem favur il-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini Ewropej fid-dibattiti l-kbar. L-UE għandha bżonn strateġija iktar koerenti u vinkolanti minn dik li attwalment nafu bħala UE 2020, strateġija li tippermetti transizzjoni ġusta, ekwa u sostenibbli lejn ekonomija ħadra bbażata fuq idea totalment ġdida tat-tkabbir. It-tkabbir il-ġdid li għandna bżonn fl-Ewropa, iżda wkoll fid-dinja kollha ser ikun imsejjes fis-sostenibbiltà u ser ikun ibbażat fuq il-kwalità tal-ħajja, ħajja parteċipattiva u b’saħħitha. |
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) “Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 1)
(2) ĠU C 10, 14.1.2004, p. 105 u ĠU C 318, 23.12.2006, p.1.
(3) ĠU C 65, 17.3.2006, p. 58.
(4) ĠU C 185, 8.8.2006, p. 62. (mhux disponibbli bil-Malti)
(5) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 1.
(6) ĠU C 120, 16.5.2008, p. 57.
(8) ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.
(9) CESE 647/2010 - INT/453 (mhux ippubblikat fil-ĠU).
(10) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3 (ECO/267) u ĠU C 100, 30.4.2009, p. 65 (CCMI/053).
(11) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 18.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/47 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi”
(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana)
2011/C 44/08
Relatur: is-Sur OSBORN
Nhar id-9 ta' Frar 2010, il-Presidenza Belġjana tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi (opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (sessjoni tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ kwalunkwe miżura biex l-Ewropa tagħmel użu aktar mifrux mill-vetturi elettrici, u b’mod partikolari l-karozzi elettriċi. Dan huwa urġenti kemm bħala kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra mis-settur tat-trasport u biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq importazzjonijiet dejjem inqas siguri taż-żejt. |
1.2 |
Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet kollha proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Jirrakkomanda wkoll li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jieħdu għadd ta' azzjonijiet oħra. |
1.3 |
Mil-lat teknoloġiku, il-KESE jirrakkomanda għadd ta' prijoritajiet fil-qasam tar-R&Ż, għat-tħaffif tal-programmi prinċipali tal-istandardizzazzjoni, għat-twessigħ tal-ħiliet u l-programmi tat-taħriġ u għall-ġestjoni u l-indirizzar tad-diffikultajiet marbuta mat-tibdil fit-tipi tal-impjiegi fis-settur tal-karozzi u tas-setturi marbuta miegħu. |
1.4 |
Il-KESE jenfasizza li t-tranżizzjoni għall-vetturi elettriċi tista’ tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra biss jekk l-elettriku għall-vettura nnifisha jiġi minn sorsi b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. Għalhekk, il-bidla għall-vetturi elettriċi trid timxi id f’id ma' bidla parallela oħra marbuta mal-ġenerazzjoni ta' elettriku li jagħmel użu baxx mill-karbonju. |
1.5 |
L-użu fuq skala wiesa’ tal-vetturi elettriċi, u l-kapaċità sostanzjali għall-ħżin tal-elettriku li l-batteriji użati lkoll flimkien jirrappreżentaw, jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kontribut li jipprovdu biex jinsab l-aħjar bilanċ possibbli bejn il-provvista u d-domanda fis-sistema tal-provvista tal-elettriku, ġaladarba tiġi introdotta t-teknoloġija intelliġenti fil-ġestjoni tan-netwerk għad-distribuzzjoni tal-elettriku (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “grilja”) u fl-infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi. Fil-fehma tal-KESE, dan huwa proċess ikkumplikat; madankollu, jirrakkomanda li jsiru studji u proġetti mill-aktar fis biex nippruvaw inbiddlu din il-possibbiltà f’opportunità kbira li jkunu jistgħu jgawdu minnha kemm is-settur tat-trasport kif ukoll dak tal-provvista tal-elettriku. |
1.6 |
It-tranżizzjoni rapida għall-vetturi elettriċi fis-settur tal-karozzi ser teħtieġ ħidma bi sħab importanti min-naħa tal-industrija tal-karozzi, il-fornituri l-ġodda tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, is-settur pubbliku – bħala regolaturi, l-awtoritjaiet responsabbli għall-iffissar tal-istandards, dawk li jipprovdu l-inċentivi u l-edukaturi – u ċ-ċittadini inġenerali fir-rwol li jaqdu ta' konsumaturi intelliġenti ta' teknoloġija ġdida, u fl-istess ħin konsumaturi eżiġenti u preokkupati. Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jniedu ħidma kollettiva importanti li tippromovi u tappoġġja din it-tranżizzjoni kruċjali b’kull mezz possibbli, u jiżguraw li l-Ewropa ma tibqax lura fit-tellieqa tal-kompetizzjoni barranija li dejjem qed tiżviluppa f’dan is-settur ewlieni. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
Is-settur tat-trasport inġenerali għadu qed juri żidiet kontinwi fl-emissjonijiet tas-CO2 minn sena għall-oħra minkejja li l-istandards tal-effiċjenza qed jitjiebu gradwalment f’kull tip ta' trasport. Jekk irridu li t-trasport jagħmel kontribut adegwat lit-tnaqqis tal-karbonju li l-Ewropa impenjat ruħha li tagħmel sal-2050, mhux ser ikun biżżejjed li niddependu miż-żidiet tal-effiċjenza li nagħmlu f’kull mezz tat-trasport. |
2.2 |
Fil-qasam tat-trasport bit-triq, hemm limiti fiżiċi fundamentali sa liema punt tista’ tittejjeb il-prestazzjoni tal-magni tal-karozzi b’kombustjoni interna fir-rigward tal-użu tal-karbonju. F’ċertu punt, ċerti titjibiet ser jitolbu bidla trasformattiva findamentali lejn sorsi ta' enerġija ġodda b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. |
2.3 |
Fost id-diversi possibbiltajiet li hemm biex niksbu dan, jidher li l-aktar waħda promettenti hija t-tranżizzjoni bikrija fis-settur tal-karozzi privati, l-ewwel permezz ta' tranżiżżjoni għall-vetturi ibridi u mbagħad il-vetturi totalment elettriċi mill-aktar fis possibbli. |
2.4 |
Hemm għadd ta' raġunijiet għalfejn għandna nagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun:
|
2.5 |
F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma intensiva li għaddejja bħalissa fi ħdan il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri bil-għan li tiġi appoġġjata u aċċellerata t-tranżiżżjoni lejn il-vetturi elettriċi. Huwa jirrakkomanda li ssir aktar ħidma marbuta ma' dawn it-tliet aspetti ewlenin:
|
3. Appoġġ għat-tranżizzjoni teknoloġika
3.1 Riċerka u żvilupp
3.1.1 |
Huwa meħtieġ sforz kbir sabiex ir-R&Ż tiżdied b’mod li toqrob lejn il-mira ta' 3 % u sabiex ikun hemm numru akbar ta' programmi ddedikati għall-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta' karbonju. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li, b’mod ġenerali, tingħata lill-ħidma fil-qasam tar-R&Ż fl-istrateġija l-ġdida 2020, u l-importanza partikolari li tingħata lill-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra, inkluża t-tranżizzjoni lejn vetturi li jużaw livelli baxxi ta' karbonju u vetturi elettriċi. Għandha bżonn tingħata attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin:
|
3.1.2 |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-proġetti ta' dimostrazzjoni u programmi oħra tad-distribuzzjoni. L-esperjenza fil-qasam tal-Pjattaformi għat-Teknoloġija tal-Enerġija għandha tiġi estiża u żviluppata fi programmi tad-distribuzzjoni proattivi b’mod li jsiru disponibbli l-ewwel ibridi rikarikabbli (plug-in hybrids) u vetturi totalment elettriċi u l-appoġġ infrastrutturali li jkollhom bżonn. Il-proġetti tad-dimostrazzjoni fi bliet u reġjuni individwali li huma lesti li junu fost l-ewwel li jittestjaw il-prodotti ġodda (li diġà bdew f’ċerti bliet u reġjuni Ewropej) għandhom jitħeġġu b’mod attiv, permezz ta' inċentivi adegwati. Il-programm CIVITAS għandu jitwessa’. |
3.1.3 |
Il-KESE jinsab imħasseb li t-teknoloġija attwali tal-batteriji tiddependi bil-bosta mill-materjali (il-litju u r-rare earths) li attwalment jiġu prodotti l-aktar, jew saħansitra biss, fiċ-Ċina. Jitlob li jkun hemm riċerka u jsiru sondaġġi ġeoloġiċi b’mod urġenti biex jiġu identifikati sorsi alternattivi għall-provvista ta' dawn it-tipi ta' materjali u li jitħeġġeġ ir-riċiklaġġ tagħhom fejn ikun possibbli. |
3.2 Iffissar ta' standards
3.2.1 |
L-istandards regolatorji dwar il-ħtiġijiet minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-prodotti u s-servizzi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu. L-UE diġà stabbilixxiet standards għall-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi, bi skedi ta' żmien stabbiliti għal aktar titjib sabiex ikunu awtorizzati fil-futur. Iżda jeħtieġ li dawn il-programmi jsiru aktar komprensivi u li jistabbilixxu sensiela ta' miri aktar ambizzjużi fuq medda qasira u twila ta' żmien. |
3.2.2 |
Il-limiti preżenti għall-emissjonijiet stabbiliti sal-2015 jippermettu krettu importanti għall-vetturi li jagħmlu użu minn livelli baxxi ta' karbonju jew vetturi elettriċi. Bis-saħħa ta' dan, il-produtturi Ewropej ikollhom inċentiv importanti biex iħaffu l-iżvilupp tagħhom u jipproduċu l-ewwel ġenerazzjoni ta' karozzi totalment elettriċi. Iżda, fl-istess ħin, dan inaqqrilhom mill-inċentiv biex ifittxu titjib ieħor mill-bqija tal-karozzi li jaħdmu bil-karburant fossili. Fir-reviżjoni li jmiss, forsi tista’ tiġi stabbilita mira speċifika għall-espansjoni tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku; fl-istess ħin, il-produtturi għandhom jintalbu jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-vetturi tal-petrol u d-diżil mil-lat tas-CO2, li inevitabbilment ser jibqgħu jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-karozzi kollha mmanifatturati tul l-20 sena li ġejjin. |
3.2.3 |
Huwa essenzjali wkoll li tinżamm il-pressjoni fuq l-industrija Ewropea sabiex tkun minn ta' quddiem fid-dinja fir-rigward tal-vetturi elettriċi sabiex ikunu jistgħu jżommu pożizzjoni kompetittiva b’saħħitha hekk kif is-suq dinji jimxi f’din it-triq. Hemm kompetizzjoni ħarxa bejn l-operaturi tal-industrija fis-settur tal-karozzi, tal-batteriji u tal-provvista tal-enerġija biex jiżviluppaw l-aħjar teknoloġiji għall-aktar prezzijiet raġonevoli. Fiha nnifisha, din il-kompetizzjoni hija xprun b’saħħtu għall-innovazzjoni u m’għandhiex titrażżan. |
3.2.4 |
Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-UE ser ikollha bżonn tippromovi ċerti elementi bikrija ta' standardizzazzjoni, biex tiżgura sigurtà, affidabbiltà u kompatibilità, b’mod partikolari fl-infrastruttura ta' appoġġ għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u għat-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits kif ukoll fil-ħtiġijiet tal-enerġija u l-konfigurazzjoni tas-settijiet tal-batteriji. Peress li l-karozzi (kemm ġodda kif ukoll dawk użati) jiġu kkumerċjalizzati ħafna bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, l-UE għandha wkoll tipparteċipa b’mod attiv f’ħidma biex tistabbilixxi standards globali dwar dawn il-kwistjonijiet bil-għan li jiġi żgurat li t-teknoloġija tal-vetturi elettriċi tkun kompatibbli fuq livell dinji. |
3.3 Edukazzjoni u taħriġ professjonali u tekniku
3.3.1 |
It-tranżizzjoni lejn industrija tal-karozzi ddominata mill-vetturi elettriċi ser iġġib magħha bidla fit-tipi tal-impjiegi fi ħdan l-industrija. Sabiex jinżammu l-produzzjoni u l-impjiegi fl-industrija Ewropea tal-karozzi u sabiex tinżamm prestazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-esportazzjoni, huwa essenzjali li jsiru investimenti minn kmieni fil-kapaċità għall-produzzjoni ta' vetturi elettriċi fl-Ewropa, u li jingħataw it-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid meħtieġa fil-ħiliet ġodda li ser ikun hmm bżonn fis-setturi kollha tal-industrija (disinn, produzzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, manutenzjoni, rimi, eċċ.). |
3.3.2 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jitnieda mill-ġdid il-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21, bil-parteċipazzjoni msaħħa tal-partijiet interessati, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli preżenti biex it-teknoloġiji l-ġodda jiġu assimilati fis-suq. Il-KESE jirrakkomanda li dan jinkludi grupp ta' ħidma speċifiku fil-qasam tal-kwistjonijiet soċjali, u li għandhom jittieħdu passi mill-aktar fis biex l-istrutturi settorjali għat-taħriġ u t-tagħlim jiġu żviluppati u orjentati mill-ġdid b’mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda ta' ħiliet fid-dawl tat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi. |
4. It-trasformazzjoni simultanja tal-provvista tal-elettriku u r-rabtiet mad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku
4.1 |
Il-bidla għall-vetturi elettriċi ser tirrappreżenta żieda sostanzjali fid-domanda għall-provvista tal-elettriku – mhux kbira daqstant għall-ewwel, iżda fl-aħħar mill-aħħar, konsiderevoli. Li kieku din id-domanda addizzjonali għall-elettriku kienet tkun issodisfata permezz tal-bini ta' impjanti tal-enerġija tredizzjonali oħra li jaħdmu bil-faħam, il-produzzjoni tas-CO2 ma tonqosx wisq. L-emissjonijiet tas-CO2 ikunu sempliċement għaddew mill-karozzi għall-impjanti elettriċi. Għalhekk, huwa importanti li l-espansjoni tal-karozzi elettriċi timxi pari passu mal-espansjoni tal-provvista ta' enerġija b’livelli baxxi ta' karbonju jew mingħajru. |
4.2 |
Il-programi favur l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu aċċellerati b’mod li jissodisfaw id-domanda dejjem tikber għall-vetturi elettriċi. Din il-ħtieġa għandha tiġi integrata fir-reviżjoni li jmiss tal-miri marbuta mal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli. |
4.3 |
Qed tibda toħroġ fid-dieher il-possibbiltà għal komplementarjetà aktar sofistikata bejn l-espansjoni tal-kapaċità sħiħa tal-batterija meħtieġa għall-vetturi elettriċi u t-tkabbir tas-sehem tal-provvista tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. |
4.4 |
Problema kbira għall-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli hija l-intermittenza tal-provvista tar-riħ, l-enerġija solari, il-marea, eċċ. Sabiex jiġu ssodisfati t-tipi differenti ta' domanda għall-elettriku, probabbilment ser ikun hemm bżonn ta' espansjoni tal-mezzi użati għall-ħżin tal-enerġija. Il-batteriji għall-karozzi huma meħtieġa biss għall-ammont limitat ta' ħin li fih in-nies ikunu qegħdin isuquhom. Meta ma jkunux qed jiġu użati, ikollhom bżonn jiġu ċċarġjati, iżda jkunu jistgħu wkoll jiġu użati bħala sorsi ta' riżervi ta' enerġija biex jagħtu riżervi addizzjonali lill-grilja meta ma jkunx hemm biżżejjed provvisti rinnovabbli. Il-problemi tekniċi u loġistiċi biex dan iseħħ huma kbar ħafna. Iżda din il-possibbiltà ssir iktar fattibbli hekk kif tiżviluppa grilja interkonnessa u intelliġenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-istudji meħtieġa disponibbli mill-aktar fis, u tiżgura li l-infrastruttura għall-iċċarġjar żviluppata għall-vetturi elettriċi tkun intelliġenti biżżejjed sa mill-bidu biex tinkiseb din il-komplementarjetà mal-provvista tal-enerġija rinnovabbli. |
4.5 |
L-iżvilupp tal-infrastruttura għall-iċċarġar u/jew is-sostituzzjoni tal-batteriji ser titlob investiment qawwi. It-tagħmir neċessarju għall-iċċarġjar għandu jkun disponibbli f’firxa wiesgħa ta' postijiet, pereżempju fil-parkeġġi, id-djar, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, il-garaxxijiet kummerċjali, postijiet pubbliċi oħra u t-toroq. Is-settur pubbliku irid jistabbilixxi qafas regolatorju li jiżgura li dawk inkarigati mill-investiment fl-infrastruttura ikunu jistgħu jagħmlu profitt raġonevoli, filwaqt li jevitaw prezzijiet eċċessivi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel studji urġenti dwar l-oqfsa regolatorji adatti li jħeġġu l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura. F’dan il-kuntest, josserva u jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tas-26 ta' Mejju li fihom saret talba għal żvilupp rapidu ta' standard Ewropew għall-vetturi elettriċi, bil-għan li jibdew jintużaw b’rata aktar mgħaġġla. |
5. Il-konsumaturi u s-suq
5.1 |
Iċ-ċittadini Ewropej qed isiru dejjem aktar konxji li dalwaqt ma nkunux nistgħu niddependu aktar mid-disponibbiltà ġenerali taż-żejt irħis. Qed isiru konxji li qed isir dejjem aktar diffiċli li jinstab u li jiġi rkuprat iż-żejt f’ħafna partijiet fid-dinja, u li l-kompetizzjoni għal kulma hu disponibbli mill-ekonomiji emerġenti qed tiħrax. Minkejja ċertu xettiċiżmu, in-nies qed isiru dejjem iżjed konxji mill-fatt li l-emissjonijiet tas-CO2 iridu jitnaqqsu biex it-tibdil fil-klima jittaffa, u li s-settur tat-trasport irid jagħti sehmu biex dan iseħħ. Il-gvernijiet fl-Istati Membri differenti – uħud aktar minn oħrajn – ilkoll komplew isaħħu dawn it-tipi ta' messaġġi billi intaxxaw il-prodotti taż-żejt, billi imponew taxxi differenti għall-vetturi b’mod li l-karozzi ż-żgħar li jipproduċu livelli aktar baxxi ta' karbonju jingħataw preferenza fuq il-vetturi aktar sofistikati li jaħlu ħafna, u f’ċerti każi, billi xtraw ibridi u vetturi elettriċi prototipi għall-użu tagħhom stess. |
5.2 |
Fid-dawl ta' din is-sensibilizzazzjoni globali, kien hemm ċertu tibdil fis-suq f’dawn l-aħħar snin. Il-konsumaturi saru jippreferu bil-wisq aktar vetturi iżgħar b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u qed iwarrbu lil dawk aktar kbar b’emissjonijiet aktar għoljin. Kien hemm ukoll ċerta domanda għall-ibridi li ġew introdotti s’issa, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li pprovdew l-inkoraġġiment meħtieġ permezz ta' inċentivi fiskali. Iżda, b’mod ġenerali, il-konsumaturi juru ċerta prudenza fir-rigward tal-innovazzjonijiet ġodda f’dan is-settur, u probabbilment ser ikollhom bżonn riassigurazzjoni u inċentivi biex jilqgħu b’mod definittiv il-ġenerazzjoni li jmiss tal-ibridi rikarikabbli u vetturi totalment elettriċi malli jsiru disponibbli. |
5.3 |
Il-produtturi u l-industrija taż-żejt ukoll urew ċerta prudenza dwar il-potenzjal tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi. Iridu jkunu konvinti mill-inevitabbiltà ta' din il-bidla, u tad-determinazzjoni politika tal-Unjoni Ewropea li tixpruna u tħaffef din it-tranżizzjoni biex ikunu lesti li jipprovdu r-riżorsi u l-għarfien espert kollu li din il-bidla teħtieġ, u jbigħuha lill-konsumaturi. L-UE u l-Istati Membri għandhom joħorġu fid-dieher din in-neċessità u l-urġenza tat-tranżiżżzjoni bl-aktar mod ċar lill-industriji tagħhom, u ma jħallux li negozji li jimxu b’pass inqas mgħaġġel jingħataw konċessjonijiet speċjali u mbagħad iwaqqfu l-progress globali, li jwassal biss biex negozji li jimxu b’pass aktar mgħaġġel fi nħawi oħra tad-dinja jaqbżu l-industrija inġenerali, u jwassal ukoll għal telf permanenti tas-sehem tas-suq u l-influwenza fl-evoluzzjoni tal-istandards fil-livell dinji. |
5.4 |
Biex inkunu nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss b’suċċess u nrawmu l-fiduċja u d-domanda tal-konsumaturi, il-konsumaturi għandhom għadd ta' ħtiġijiet, li fil-qosor jolqtu lil dawn l-oqsma prinċipali – is-sigurtà, l-affidabbiltà, il-prestazzjoni u d-disinn, il-firxa tal-prodotti u l-flessibbiltà, il-konvenjenza tal-iċċarġjar kif ukoll il-prezz meta tinxtara u waqt l-użu. (Hemm ukoll xi tħassib li l-vetturi elettriċi jistgħu jkunu tant kwieti fit-triq li jkunu ta' periklu – jekk dan huwa minnu, għandu jkun hemm żieda fil-livell minimu ta' storbju bil-għan li l-persuni li jkunu mexjin fit-triq u persuni oħra li jużaw it-toroq jisimgħu li tkun ġejja karozza). |
5.5 |
Huwa importanti li l-vetturi elettriċi jkunu siguri mill-inqas daqs il-vetturi konvenzjonali (kemm fis-sewqan normali u f’każ ta' inċident), kemm fil-kejl statistiku oġġettiv kif ukoll fil-perċezzjoni It-tagħmir għall-iċċarġjar, b’mod partikolari dak disponibbli għall-pubbliku, għandu jkun protett kontra t-tbagħbis u l-frodi. Dan il-kriterju għandu jkun inkorporat fil-ħtiġijiet regolatorji kollha marbuta mas-sigurtà li għandhom jiġu imposti fuq il-vetturi elettriċi. |
5.6 |
Il-vetturi elettriċi għandhom ikunu affidabbli kull ħin u f’kull tip ta' temp. Jekk il-batterija taqa’ malajr u jekk ċerti kundizzjonijiet tat-temp jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom jew is-servizzi li joffru b’mod sostanzjali, in-nies faċilment ikunu delużi. Ikun aħjar li jiġu introdotti standards marbuta mas-solidità u l-affidabbiltà fil-qafas regolatorju. |
5.7 |
Il-prestazzjoni tal-vetturi elettriċi għandha tal-anqas tixbah lil dik ta' karozza tal-familja għaliex din hija t-tip ta' karozza li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni jafu sewwa. Huwa importanti wkoll li d-disinn u l-konfigurazzjoni tal-vetturi elettriċi ma jkunux inqas attraenti għall-pubbliku mill-aqwa ICVs (vetturi b’kombustjoni interna). Naturalment, din hija sfida li l-industrija għandha tissodisfa, u mhux ser ikun hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja, bil-kundizzjoni li l-industrija nnifisha tkun immotivata biżżejjed (u, f’każ ta' bżonn, tiġi pprovduta b’inċentiv) biex tkun trid tħaffef il-pass tal-bidla. |
5.8 |
Id-distanzi li kapaċi jkopru huma marbuta mill-qrib mat-tagħmir għall-iċċarġjar. Jekk l-iċċarġjar jitlob għadd ta' sigħat f’garaxx jew f’postijiet riżervati fit-triq għal dan il-għan, allura l-konsumaturi wisq probabbli jitolbu li l-karozzi jkunu jistgħu jkopru distanza konsiderevoli wara kull waqfa għall-iċċarġjar. Jista’ jkun minnu li l-biċċa l-kbira tan-nies jivvjaġġaw distanzi pjuttost qosra tul ġurnata normali tax-xogħol – iżda jkunu jridu l-possibbiltà ta' distanzi itwal għal dawk l-okkażjonijiet meta jkollhom jivvjaġġaw iżjed fit-tul – u ma jkunux iridu jaħlu sigħat sħaħ jiċċarġjaw il-karozza waqt vjaġġi bħal dawn. Kultant, il-batteriji jaqgħu jekk il-karozza ma tkunx f’post riżervat għall-iċċarġjar. Irid jiġi żviluppat tagħmir fit-toroq għall-iċċarġjar urġenti jew għat-tbiddil tal-batterija. |
5.9 |
Jidher li l-iċċarġjar aktar malajr qed isir possibbiltà teknika. Iżda jekk il-ħin għall-iċċarġjar ma jitnaqqasx tant li jieħu biss il-ħin li normalment jieħu xi ħadd huwa u jimla t-tank tal-petrol, allura ħafna nies li jkollhom x’jagħmlu jitilfu l-paċenzja. Fil-fehma tagħna, il-produtturi għandhom ifittxu li jżidu d-distanzi disponibbli mill-aktar fis sa [300 km] jekk iridu jiżguraw suq imdaqqas. Il-ħidma fil-qasam tar-R&Ż għandha tiffoka fuq dan il-għan b’mod partikolari. |
5.10 |
Jekk għad fadal ammont sostanzjali ta' snin biex dawn id-distanzi jintlaħqu, il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li t-tagħmir għall-iċċarġjar permezz ta' sokits ikun ikkomplementat bl-għażla li l-unità sħiħa tal-batterija tkun tista’ titbiddel malajr f’garaxx kummerċjali (jew f’każi ta' emerġenza fit-triq stess) f’bejn żewġ u tliet minuti.Il-KESE għandu informazzjoni li qed jiġu żviluppati għadd ta' proġetti ta' prova inizjali f’dan il-qasam. Bil-għan li jitħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura għat-tbiddil tal-batteriji b’dan il-mod, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni mill-aktar fis lill-possibbiltà li jkun hemm standardizzazzjioni bikrija tal-konfigurazzjoni u l-karatteristiċi għall-pakketti tal-batteriji u kif jistgħu jitneħħew u jerġgħu jitpoġġew b’mod konvenjenti. It-tbiddil tal-batteriji jitħaffef jekk il-pakketti tal-batteriji jinkrew minn kumpanija li tieħu ħsieb il-proċedura tat-tbiddil pjuttost milli jinxtraw. Bis-saħħa ta' dan il-proċess, jitnaqqsu l-ispejjeż inizjali marbuta mal-vetturi elettriċi, iżda jista’ jinqala’ l-bżonn li jitwaqqaf qafas regolatorju biex jiżgura li l-kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz iżommu prezzijiet ġusti u standards tajba ta' operazzjoni. |
5.11 |
Fejn jintuża ċċarġjar bis-sokits, huwa importanti li jsir disponibbli malajr f’netwerk mifrux ta' postijiet riżervati għall-iċċarġjar. Minbarra t-tagħmir disponibbli fid-djar, irid ikun hemm dawn it-tipi ta' postijiet f’kull parkeġġ tal-karozzi (parkeġġi pubbliċi u privati, il-postijiet tax-xogħol, il-ħwienet, eċċ.), u fil-postijiet kollha iżervati għall-parkeġġ fit-toroq. Biex din is-sitwazzjoni taħdem tajjeb, jista’ jkun hemm bżonn li l-ewwel ħidma marbuta ma' din is-sistema tiffoka fuq żoni ġeografiċi speċifiċi. Għandu mnejn ikun utli li jitnedew xi skemi pilota f’għadd ta' żoni differenti – gżejjer, bliet kbar u ż-żona reġjonali ta' madwarhom, żoni urbani iżgħar, żoni rurali, eċċ. – biex jiġi stabbilit liema huma l-aħjar modi għat-tħaddim ta' din is-sistema u x’hemm bżonn mil-lat ta' appoġġ għall-infrastruttura. Kull fejn il-vetturi elettriċi jiġu introdotti għall-ewwel darba, huwa importanti li jitwaqqaf netwerk adegwat ta' tagħmir għall-iċċarġjar mill-ewwel. Il-konsumaturi malajr iwarrbu t-teknoloġija l-ġdida jekk ma jħossux li hija appoġġjata tajjeb minn tagħmir għall-iċċarġjar u għat-tbiddil tal-batteriji, li jkun disponibbli b’mod wiesa’ sa mill-bidu nett. |
5.12 |
L-awtoritajiet muniċipali, lokali u reġjonali ser ikollhom rwol importanti x’jaqdu fil-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi fiż-żona tagħhom. Jistgħu jikkontribwixxu biex jidentifikaw is-siti adatti għat-tagħmir għall-iċċarġjar u t-tbiddil tal-batteriji. Jistgħu jagħtu preferenza lill-vetturi elettriċi fir-rigward tal-ipparkjar jew f’karreġġjatiriżervati. Jistgħu jaqdu rwol konsiderevoli fir-reklamar u t-tħeġġiġ tat-tranżizzjoni lejn il-vetturi elettriċi, anke billi jħeġġu l-użu tal-vetturi elettriċi għat-trasport ta' dawk il-persuni li għandhom problemi ta' mobbiltà, għat-tindif tat-toroq, eċċ., peress li ħafna minn dawn il-vjaġġi jinvolvu biss distanzi qosra fiż-żona tal-lokalità nnifisha. |
5.13 |
Naturalment, il-prezz fil-punt tal-bejgħ u tal-użu ser ikun kruċjali. It-tranżizzjoni mill-petrol biċ-ċomb għall-petrol mingħajr ċomb f’bosta pajjiżi tipprovdi eżempju tajjeb ħafna. Għal ċertu żmien, il-konsumaturi rreżistew din il-bidla. Iżda, malli l-gvernijiet introduċew taxxa biex jiffavorixxu lill-petrol mingħajr ċomb, ir-reżistenza għosfrot u t-tranżizzjoni mxiet ħarir u malajr. |
5.14 |
Sabiex jiġi inkoraġġit l-użu tal-vetturi elettriċi, ser ikun hemm bżonn ukoll li almenu jitneħħa kwalunkwe vantaġġ mil-lat ta' prezz tal-vetturi li jaħdmu biż-żejt permezz ta' reġimi adatti ta' tassazzjoni differenti, u probabbilment għandha tingħata preferenza lill-vetturi elettriċi fis-snin bikrin bil-għan li s-suq jaqbad ir-ritmu. Fil-prinċipju, għandu jkun irħas li topera l-vetturi elettriċi minħabba l-livell ogħla ta' effiċjenza tal-magna elettrika. Iżda, ovvjament kollox jiddependi mill-istruttura tat-tariffi tal-elettriku, u jekk l-iċċarġjar tal-batteriji jistax jiġi integrat fi ħdan sistema intelliġenti għall-ibbilanċjar tal-kurrent elettriku permezz ta' tariffa preferenzjali. Il-KESE jirrakkomanda li jsiru studji ekonometriċi bikrin tad-diversi possibbiltajiet disponibbli. Peress li l-bidla għal vettura elettrika tirrappreżenta pass kbir għall-konsumatur, għandu mnejn ikun hemm bżonn li tkun akkumpanjata minn inċentivi kbar, b’mod partikolari fis-snin bikrin tat-tranżizzjoni (eż. permezz ta' taxxa fuq il-bejgħ sostanzjali li tiffavorixxi l-vetturi elettriċi fil-konfront tal-ICVs). |
5.15 |
Minbarra l-ħolqien ta' inċentivi fuq il-prezzijiet, il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali għandhom jikkunsidraw bir-reqqa tipi oħra ta' inċentivi li jistgħu jgħinu t-tranżizzjoni, fost l-oħrajn żoni jew rotot dedikati u faċilitajiet preferenzjali għall-parkeġġ tal-vetturi elettriċi. Huwa ċar li dawn il-vetturi ser iniġġsu inqas minn magni b’kombustjoni interna, u ċerti verżjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni (eż. vetturi elettriċi żgħar għal skopijiet partikolari). |
5.16 |
Minbarra miżuri biex jiġi żgurat li l-vetturi elettriċi jistgħu jiġu kummerċjalizzati bi prezzijiet kompetittivi, ser ikun importanti li jittieħdu miżuri oħra bil-għan li l-konsumaturi ikollhom għarfien aktar sod dwar il-marka tal-karbonju li jħallu d-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta mat-trasport, u sa liema punt ser inaqqsu l-impatt tagħhom jekk jużaw vetturi elettriċi. |
5.17 |
Din l-informazzjoni għandha tissejjes fuq analiżi tal-impatt ta' ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-karozzi u l-mezzi l-oħra tat-trasport tagħhom. Iżda anke meta jitqies iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ, jidher probabbli li l-bidla lejn il-karozza elettrika ser tkun waħda mill-ikbar deċiżjonijiet li tkun tista’ tieħu persuna biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha. Iżda, biex jagħmlu evalwazzjoni korretta, irid ikollhom l-informazzjoni ġusta. |
5.18 |
Probabbilment, ċerti setturi tas-suq ser ikunu ppenetrati aktar faċilment minn oħrajn għall-ewwel. Fid-dawl tal-limitazzjonijiet attwali fir-rigward tad-distanza koperti u tal-ħin meħtieġ għall-iċċarġjar, il-vetturi elettriċi, almenu għall-ewwel, ser ikun aktar adatti għal vjaġġi urbani jew lokali qosra u inqas adatti għal vjaġġi twal. Bl-istess mod, ser ikun aktar faċli li t-tagħmir għall-iċċarġjar bis-sokits jiġi pprovdut fi djar li għandhom garaxx jew, tal-inqas, parkeġġ privat għall-karozzi tagħhom. Għalhekk, huwa mistenni li l-ewwel tentattivi fil-qasam tal-marketing jiffukaw fuq djar li għandhom dawn il-faċilitajiet, li jikkunsidraw li jixtru vettura elettrika żgira għal qadi żgħir fl-inħawi tar-residenza tagħhom; fl-istess ħin, ikollhom vettura b’kombustjoni interna jew ibrida għal vjaġġi iktar twal b’tagħbijiet itqal. Anke għal dan it-tip ta' użu, jidher li r-riċerka inizjali timplika li d-distanza koperta u t-tul ta' ħin li jieħu l-iċċarġjar mhux qed iħajru l-biċċa kbira tan-nies jixtruhom; għalhekk, biex jiġi evitat li l-vetturi elettriċi jintużaw biss minn numru żgħir ta' swieq żgħar speċjalizzati, huwa importanti li sa mill-bidu nett nistabbilixxu viżjoni fit-tul għal tranżizzjoni iktar sħiħa li tippermetti li l-vetturi elettriċi jkunu għażla attraenti għall-utenti kollha għall-vjaġġi kollha. |
5.19 |
Il-programmi tal-akkwisti pubbliċi jistgħu jservu ta' għodda b’saħħitha għat-titjib tal-istandards fis-setturi ewlenin tal-industrija. Is-settur pubbliku huwa xerrej importanti ta' karozzi u vetturi oħra; l-eżempju tas-settur pubbliku jista’ jkollu influwenza addizzjonali fuq id-deċiżjonijiet marbuta max-xiri li jieħdu oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li l-gvernijiet u korpi oħra tas-settur pubbiku, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, jimpenjaw ruħhom sa mill-bidu li jixtru karozzi u vetturi elettriċi oħra, biex jagħtu spinta bikrija lis-suq ta' dawn il-vetturi, u jagħmlu mod li l-volumi tal-produzzjoni tagħhom jersqu b’rata mgħaġġla lejn il-massa kritika għall-produzzjoni ekonomika. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jagħtu l-ewwel eżempju permezz tad-deċiżjonijiet li jieħdu marbuta max-xiri, u jistgħu jniedu diskussjonijiet u inizjattivi fil-livell Ewropew biex jippromovu l-użu bikri tal-vetturi elettriċi. Il-mexxejja politiċi u personalitajiet pubbliċi prominenti oħra jistgħu jxerrdu l-messaġġ billi huma stess ikunu minn tal-ewwel li jużaw il-vetturi elettriċi. |
5.20 |
Huwa stmat li kważi (50 %) tal-karozzi mixtrija fl-Ewropew jinxtraw fuq il-bażi ta' skemi mmexxija jew appoġġjati mill-kumpaniji għall-impjegati tagħhom. Ikun tajjeb li l-kumpaniji jingħataw inċentivi b’mod li tingħata preferenza lill-karozzi b’użu baxx tal-karbonju jew dawk elettriċi fl-iskemi tagħhom permezz ta' differenzjazzjoni fiskali adatta. |
6. Vetturi u mezzi tat-trasport oħra
6.1 |
F’din l-opinjoni ffukajna l-aktar fuq il-karozza privata tal-passiġġieri, u l-miżuri li għandha tieħu l-Ewropa issa biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn l-użu ta' vetturi elettriċi fil-ġejjieni. Fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, il-vettura elettrika hija l-aktar miżura fattibbli. |
6.2 |
Iżda, ċertament, l-elettriċizzar ma jiqafx hawn. Dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki u l-industrija għandhom ikunu attenti għall-potenzjal li dan il-qasam joffri fil-firxa sħiħa tat-trasport fuq l-art u bil-baħar, inklużi vetturi żgħar ħafna maħsuba għal persuna waħda, vetturi kbar tas-servizz pubbliku, ferroviji, tramms u karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku, u l-qasam kollu tat-trasport tal-merkanzija. Barra minn hekk, hekk kif l-elettriċizzar tas-sistema tat-trasport tinfirex aktar, jistgħu jibdew jiffurmaw mudelli ġodda tal-mobbiltà li jiġu ffaċilitati permezz tal-karatteristiċi differenti tal-enerġija elettrika, it-teknoloġija tal-batteriji u sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-grilja u tat-traffiku. Hawnhekk ukoll, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki jkunu attenti għall-aħjar ideat li jinħtieġu l-inkoraġġiment u josservawhom bir-reqqa. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika” (opinjoni esploratorja)
2011/C 44/09
Relatur ġenerali: Sergio SANTILLÁN CABEZA
Nhar id-9 ta' Frar 2010, bi tħejjija għall-Presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-gvern Belġjan iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika
(opinjoni esploratorja).
Fis-16 ta' Frar 2010, il-Bureau tal-Kumitat talab lis-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni biex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jaħtar lis-Sur SANTILLÁN CABEZA bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’124 vot favur u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-prezzijiet tal-gass, tal-elettriku u ta' karburanti oħra bħall-faħam għadhom qed jogħlew u jidher li din it-tendenza ser tissokta fis-snin li ġejjin. Dan ifisser li sakemm ma tittiħiedx azzjoni effettiva minnufih, l-għadd ta' konsumaturi vulnerabbli wkoll ser jibqa’ jiżdied b’mod konsiderevoli. L-għan ta' din l-opinjoni mhuwiex li tikkunsidra l-kawżi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija iżda li tenfasizza l-bżonn li jitħarsu l-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' faqar fl-enerġija. |
1.2 |
Il-glieda kontra l-faqar fl-enerġija hija prijorità soċjali ġdida li għandha tiġi indirizzata fil-livelli kollha ta' governanza u l-UE għandha tipprovdi linji gwida komuni biex tiżgura li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess approċċ għall-eliminazzjoni ta' dan il-fenomenu. Jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-ħidma tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn għall-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. Madankollu, ħafna Stati Membri għadhom mhux qed jissodisfaw l-obbligi tagħhom u, b’riżultat ta' dan, l-UE jkollha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, meta l-Istati Membri ma jirrispettawx il-miżuri li jkunu ġew stabbiliti. |
1.3 |
Il-faqar fl-enerġija jaffettwa s-settur tal-enerġija u għandu impatt ukoll fuq setturi oħra bħas-saħħa, l-affarijiet tal-konsumatur u l-akkomodazzjoni. |
1.4 |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-UE tadotta definizzjoni ġenerali komuni għall-faqar fl-enerġija li mbagħad tkun tista’ tiġi adattata minn kull Stat Membru. Il-faqar fl-enerġija jista’ jiġi definit meta wieħed isibha diffiċli jew impossibbli biex jiżgura tisħin adegwat fid-dar u li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali oħra tal-enerġija bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra bil-għan li l-kunċett ikun konformi mal-iżviluppi fis-soċjetà. Dan jgħin biex il-faqar fl-enerġija jiġi kkwantifikat u indirizzat b’mod aktar effettiv. |
1.5 |
Fil-fehma tal-Kumitat, ikun utli li l-istatistika eżistenti tiġi armonizzata sabiex tkun tista’ ssir l-aktar valutazzjoni rigoruża possibbli tas-sitwazzjoni tal-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Fid-dawl ta' dan, ġie suġġerit li l-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri jadottaw metodi statistiċi omoġenji biex ikunu jistgħu jikkwantifikaw il-medda tal-faqar fl-enerġija. |
1.6 |
Fil-fehma tal-KESE u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza tal-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija (Londra), ikun loġiku li jiġi stabbilit Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Faqar fl-Enerġija, li jista’ jiġi integrat fi ħdan korp eżistenti bħall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jew kwalunkwe korp ieħor li jista’ jinvolvi l-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali kollha li għandhom rabta, diretta jew indiretta, mal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-provvedituri tal-enerġija, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tas-saħħa u dawk ambjentali, it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-kumpaniji tal-provvista tal-enerġija u tal-kostruzzjoni. Dan il-grupp ikun utli ħafna biex jidentifika prattiki tajbin attwali fl-Istati Membri, bil-għan li jagħmel użu minn mekkaniżmi ġodda biex jindirizza l-faqar fl-enerġija u jippromovi l-objettiv li l-effetti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija fuq il-konsumaturi vulnerabbli jiġu analizzati b’mod preċiż. |
1.7 |
Il-Kumitat jipproponi li jiġi kkunsidrat il-faqar fl-enerġija meta titfassal proposta dwar il-politika tal-enerġija. |
1.8 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-bżonn ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi li jagħmlu l-aħjar użu mill-enerġija għall-konsumaturi vulnerabbli, li huma dawk li l-aktar għandhom bżonnhom. |
1.9 |
Huwa importanti li jiġu implimentati miżuri approvati relatati mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u, f’dan il-każ, ta' djar privati. Minħabba d-diffikultajiet li d-djar bi dħul baxx jistgħu jiffaċċjaw, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' għajnuna kif u meta jkun possibbli. |
1.10 |
Il-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata, f’ċerti każijiet, tista’ tgħin biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f’din l-opinjoni (ara punt 6.8). |
2. Il-faqar fl-enerġija fl-UE
2.1 |
L-użu tal-enerġija u l-aċċess għaliha huma marbuta mal-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet. Fost il-bosta applikazzjonijiet tagħha, l-enerġija hija kruċjali għall-mobbiltà, it-tisħin u t-tidwil f’oqsma bħall-industrija, is-saħħa, il-biedja kif ukoll fil-ħajja tal-familja u l-attivitajiet fil-ħin liberu. |
2.2 |
Għaldaqstant, iil-kunċett tal-faqar fl-enerġija jista’ jiġi kkunsidrat f’termini makro u mikroekonomiċi. L-aċċess għal biżżejjed enerġija ta' kwalità għolja għall-industrija, il-biedja u setturi oħra huwa essenzjali għall-prosperità u l-kompetittività tal-pajjiż filwaqt li n-nuqqas ta' aċċess għall-enerġija jista’ jwassal għal kriżi ekonomika, qgħad u faqar fuq skala wiesgħa. Madankollu, din l-opinjoni tiffoka primarjament fuq il-politika tal-enerġija li tolqot l-użu domestiku. |
2.3 |
Ikun hem faqar fl-enerġija meta dar issibha diffiċli jew impossibbli biex tiżgura tisħin adegwat bi prezz li jista’ jintlaħaq (bħala referenza, ta' min jadotta d-definizzjoni li tintuża mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li tqis 21 °C fis-salott u 18 °C fil-kmamar okkupati l-oħra bħala standards adegwati ta' tisħin, jew kwalunkwe definizzjoni oħra meqjusa bħala teknikament adatta) u biex ikollha aċċess għal servizzi oħra relatati mal-enerġija, bħat-tidwil, it-trasport jew l-elettriku għall-użu tal-Internet jew ta' tagħmir ieħor bi prezz raġonevoli. Għalkemm din hija definizzjoni ġenerali, jistgħu jiżdiedu kriterji oħra sabiex il-kunċett ikun konformi mal-iżvilupp fis-soċjetà. |
2.4 |
Il-faqar fl-enerġija mhuwiex fenomenu li jista’ jiġi kkwantifikat faċilment, għalkemm jista’ jitkejjel abbażi ta' varjabbli bħan-nuqqas ta' kapaċità li dar iżżomm il-bini msaħħan b’mod adegwat (21 % fl-UE-27, Eurostat), il-perċentwali tal-popolazzjoni li għadha lura fil-ħlas ta' kontijiet (7 % tal-UE-27 fl-2007), jew in-numru ta' djar li għandhom problemi ta' nixxija, xquq u problemi oħra li jaffettwaw il-bini (18 % tal-UE-25 fl-2007, Stħarriġ UE-SILC 2007). Għalkemm in-nuqqas ta' statistika u studji rilevanti jfisser li m’hemmx data affidabbli dwar in-numru ta' individwi milquta, meta jitqabblu l-varjabbli magħrufa u jitqies in-numru ta' studji li ġew ippubblikati, huwa stmat li, fl-Ewropa, tal-anqas 50 miljun persuna huma milquta mill-faqar fl-enerġija (Tackling Fuel Poverty in Europe. Recommendations Guide for Policy Makers. (Nindirizzaw il-faqar fl-enerġija fl-Ewropa. Gwida ta' rakkomandazzjonijiet għall-politiki.) www.fuel-poverty.org.) Madankollu, xi stimi jsostnu li ċ-ċifri huma ħafna ogħla. |
2.5 |
Mhux biss huwa diffiċli li tiġi kkwantifikata l-firxa ta' din il-problema iżda hemm ukoll kontradizzjonijiet bejn l-istatistika Ewropea u dik nazzjonali. Pereżempju, skont id-data tal-UE-SILC, m’hemm ħadd fir-Renju Unit li għadu lura fil-ħlas ta' kontijiet tal-enerġija, filwaqt li r-regolatur nazzjonali tal-enerġija (Ofgem) jistma li hemm madwar 5 % (www.fuel-poverty.org). |
2.6 |
In-numru ta' familji milquta mill-faqar fl-enerġija fl-Ewropa jista’ jiżdied peress li:
|
2.7 |
Il-faqar fl-enerġija huwa kkawżat minn tliet fatturi: dħul baxx, kwalità mhux adegwata tal-bini u prezzijiet għoljin tal-enerġija. |
2.8 |
L-effetti sekondarji tal-faqar fl-enerġija jistgħu jinkludu problemi tas-saħħa, skonnessjoni min-netwerk mill-provveditur tal-enerġija, użu tal-enerġija inferjuri meta mqabbel mal-istandards u l-akkumulazzjoni tad-dejn. |
2.9 |
L-aktar gruppi soċjali vulnerabbli huma wkoll dawk bl-aktar dħul baxx, bħal dawk li għandhom aktar minn 65 sena, il-familji b’ġenitur wieħed, il-qiegħda, u dawk li jirċievu benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Ħafna minn dawk bi dħul baxx jgħixu wkoll f’bini b’iżolament termali mhux adegwat, (Housing Quality Deficiencies and the Link to Income in the EU (In-nuqqasijiet fil-kwalità tal-akkomodazzjoni u r-rabta mad-dħul finanzjarju fl-UE), Orsolya Lelkes. Ċentru Ewropew, Marzu 2010), li jkompli jżid il-faqar fl-enerġija tagħhom |
2.10 |
Xi Stati Membri diġà adottaw miżuri (Good practices experienced in Belgium, Spain, France, Italy and United Kingdom to tackle fuel poverty (Prattiki tajbin fil-Belġju, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija) ippubblikat mill-grupp ta' ħidma tal-EPEE) biex inaqqsu n-numru ta' persuni milquta mill-faqar fl-enerġija. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-prattiki tajbin jiffokaw fuq il-kawżi li ġejjin:
Bl-istess mod, xi Stati Membri ħadu miżuri korrettivi biex itaffu l-konsegwenzi tal-faqar fl-enerġija, bħal pereżempju l-fatt li l-familji vulnerabbli ma jistgħux jiġu skonnessi fi żminijiet kritiċi. |
2.11 |
It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa aspett ewlieni biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija. Il-proposta biex terġa’ titfassal mill-ġdid id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (COM(2008) 780 finali) tista’ tirrappreżenta opportunità f’dan il-qasam. |
3. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja hija riflessa fit-23 miljun individwu qiegħda
3.1 |
L-ekonomija Ewropea għaddejja mill-aktar reċessjoni qawwija mill-1930 ’il quddiem. Fl-2009, il-PDG tal-UE-27 kien 4,2 % inqas minn dak tal-2008, sena li matulha t-tkabbir diġà kien baxx (+0,8 %). Kien hemm żieda qawwija fil-qgħad, li f’Jannar 2010 kien jammonta għal 9,5 % tal-popolazzjoni attiva (1,5 punti perċentwali aktar mill-istess xahar tas-sena ta' qabel). B’riżultat ta' dan, fl-ewwel xahar tal-2010, 22 979 000 raġel u mara ma kellhomx xogħol. F’termini ta' perċentwali, il-Pajjiżi l-Baxxi (4,2 %) u l-Awstrija (5,3 %) irreġistraw l-aktar ċifri baxxi ta' qgħad; il-Litwanja (22,9 %) u Spanja (18,8 %) irreġistraw l-aktar ċifri għolja (Eurostat). |
3.2 |
Il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku tal-aħħar tal-2008 ma tax ir-riżultati mistennija. Hekk kif hija ta’ tħassib id-data dwar is-sitwazzjoni attwali, huwa ta' tħassib il-fatt li l-pronjosijiet li saru sal-lum il-ġurnata (inklużi dawk li saru mill-Kummissjoni) jipprevedu rkupru “dgħajjef” fil-futur qarib. Għalkemm tnedew stimuli fiskali li huma ekwivalenti għal 5 % tal-PDG (għall-UE-27), huwa ċar li dawn mhumiex biżżejjed u, speċjalment, li ma teżisti l-ebda “strateġija tal-ħruġ” ikkoordinata tajjeb biex tiġi indirizzata l-kriżi. |
3.3 |
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2007 seħħet fi sfond ta' staġnar jew tnaqqis tal-paga tal-ħaddiema Ewropej. Barra minn hekk, il-miżuri ekonomiċi li pproponew xi Stati Membri biex jonqos il-livell għoli ta' dejn u d-defiċit pubbliku għandhom effett fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (bħal pereżempju l-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-qgħad) u fuq is-servizzi pubbliċi. |
3.4 |
Dan kollu joħloq prospettiva ta' tħassib għall-aktar djar vulnerabbli fil-kuntest ta' prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija. |
4. Il-politika Ewropea tal-enerġija
4.1 |
Ix-xewqa li jiġu liberalizzati s-swieq tal-enerġija ilha waħda mill-politiki ewlenin tal-UE tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Wara l-Kunsill tal-Enerġija f’Ġunju 1987, li ta spinta ’l quddiem lill-proċess, ġew ippubblikati l-ewwel direttivi dwar il-ftuħ tas-swieq tal-gass u tal-elettriku fl-aħħar tad-disgħinijiet u minn hemm ’il quddiem ittieħdu bosta passi f’din id-direzzjoni. |
4.2 |
B’mod ġenerali, l-għanijiet mixtieqa tal-proċess ta' liberalizzazzjoni kienu l-ksib ta' settur tal-enerġija aktar effiċjenti u ekonomija Ewropea aktar kompetittiva. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha qablu mal-miżuri adottati u, fil-fatt, xi wħud qed jopponu bis-saħħa l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki. |
4.3 |
Attwalment, hemm konċentrazzjoni konsiderevoli ta' provvista fis-suq tal-operaturi kemm tal-gass (f’10 Stati Membri, l-akbar tliet provvedituri jikkontrollaw 90 % jew aktar tas-suq) kif ukoll tal-elettriku (aktar minn 80 % f’14-il Stat Membru) (COM(2009) 115 finali). |
4.4 |
Il-liberalizzazzjoni hija ta' benefiċċju għall-konsumaturi jekk tippromovi b’mod ġenwin il-kompetizzjoni, iżda f’għadd ta' Stati Membri l-oligopolji privati ħadu post il-monopolji pubbliċi u, b’riżultat ta' dan, jeħtieġ li jiżdiedu l-miżuri li jippromovu t-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija. |
4.5 |
Għaldaqstant, ta' min jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati l-miżuri li jinsabu fit-Tielet Pakkett tal-Enerġija. Dawn għandhom l-għan li jistabbilixxu suq ġenwin tal-enerġija bbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati u jinkludu interkonnessjoni bejn in-netwerks, koordinazzjoni aħjar bejn l-operaturi u aktar setgħat għar-regolaturi nazzjonali. |
5. Il-liberalizzazzjoni għandha tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi
5.1 |
Il-liberalizzazzjoni tippromovi d-deċentralizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-enerġija u għandha tkun mezz kif jinkisbu xi benefiċċji ewlenin, bħal pereżempju prezzijiet aktar baxxi u provvista garantita tal-enerġija, kwalità mtejba tas-servizzi, għażla ikbar, u għażla li hija adatta għall-ħtiġijiet tal-konsumatur b’mod ġenerali u tal-konsumatur vulnerabbli b’mod partikolari. Madankollu, l-esperjenzi inizjali tal-Istati Membri kixfu ċerti problemi minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fit-tariffi u l-prezzijiet għoljin, fost affarijiet oħra. |
5.2 |
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prezzijiet fl-ewwel nofs tal-2009 kienu ogħla mill-2008, għalkemm it-tendenza fir-rigward tal-prezzijiet taż-żejt tindika tnaqqis aktar sinifikanti fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Dan jista’ jkun, parzjalment, minħabba d-dewmien taż-żmien li t-tibdil tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt jeħtieġ li jiġi inkluż fil-prezzijiet tal-utent aħħari. Madankollu, jidher li t-tnaqqis li kien hemm fin-nefqa tal-operaturi tal-enerġija ma ġiex rifless bis-sħiħ fil-prezzijiet tal-utent aħħari (ara COM(2009) 115 finali). |
5.3 |
B’konsegwenza t’hekk, is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u tal-gass qed ikollhom impatt mhux sodisfaċenti fuq il-baġits tad-djar. 60 % tal-konsumaturi stqarru li l-provveditur tal-enerġija tagħhom żied il-prezzijiet, filwaqt li 3-4 % biss osservaw tnaqqis. Is-servizzi tal-provvista tal-elettriku u l-gass kellhom riżultati partikolarment ħżiena f’termini ta' tqabbil tas-servizzi u l-faċilità li jinbidel il-provveditur. Is-settur tal-enerġija huwa settur fejn il-konsumatur l-anqas li jbiddel il-provveditur: 7 % biss tal-konsumaturi bidlu l-provveditur tal-gass tagħhom, u 8 % biss bidlu l-provveditur tal-elettriku tagħhom. (Il-Kummissjoni Ewropea, It-Tieni Rapport Annwali tal-UE dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi, 2 ta' Frar 2009). |
6. L-azzjoni tal-Ewropa fir-rigward tal-faqar fl-enerġija
6.1 |
Il-faqar fl-enerġija huwa prijorità soċjali ġdida li teħtieġ appoġġ fil-livelli kollha. Għalkemm id-dokumenti legali ppreżentati mill-UE huma tajbin (1), ir-reazzjoni tal-Istati Membri sal-lum ma kinitx adegwata. Pereżempju, minkejja l-fatt li d-direttivi dwar il-gass u l-elettriku (l-ewwel Direttiva 2003/53/KE u mbagħad Direttiva 2009/72/KE) saru obbligatorji fis-suq komuni, 10 mis-27 Stat Membru biss jipprovdu tariffi soċjali għall-konsumaturi vulnerabbli u t-terminu “konsumatur vulnerabbli” jintuża b’mod komuni fi 8 Stati Membri biss (Status Review of the definitions of vulnerable customer, default supplier and supplier of last resort. (Reviżjoni tal-istatus tad-definizzjonijiet ta' konsumatur vulnerabbli, ta' provveditur b’kontumaċja u provveditur tal-aħħar għażla) (ERGEG, 2009). |
6.2 |
Mhux l-Istati Membri kollha qed jindirizzaw din il-problema u dawk li qed jindirizzawha qed jaġixxu għal rashom mingħajr ma jfittxu li jistabbilixxu sinerġiji ma' oħrajn, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi identifikat, evalwat u indirizzat il-faqar fl-enerġija fil-livell Ewropew. Biex nagħtu eżempju wieħed, id-definizzjoni tar-Renju Unit hija differenti minn dik li tintuża fl-Istati Membri l-oħra u tqis li jkun hemm faqar fl-enerġija meta familja jkollha bżonn tonfoq aktar minn 10 % tad-dħul tagħha biex issaħħan id-dar sa standard adegwat ta' sħana. Anke fid-dokumenti tal-UE, id-definizzjoni tvarja. |
6.3 |
Kull Stat Membru li jkun qed jaġixxi fil-qafas tar-regoli stabbiliti tal-kompetizzjoni (nazzjonali, reġjonali jew lokali) huwa responsabbli biex jindirizza l-faqar fl-enerġija, però fin-nuqqas ta' leġislazzjoni nazzjonali effettiva dwar il-gass u l-elettriku, l-UE għandha tieħu azzjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif definit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Fir-rigward ta' karburanti oħra, bħall-faħam, ir-responsabbiltà hija biss f’idejn l-Istati Membri. |
6.4 |
L-Unjoni Ewropea toħroġ liġijiet dwar il-politika tal-enerġija, għandha setgħat f’dan il-qasam u għaldaqstant għandha impatt, kemm dirett kif ukoll indirett, fuq il-faqar fl-enerġija fl-Istati Membri. Għaldaqstant, l-UE għandha taġixxi u tfassal politiki fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha. |
6.5 |
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija (COM(2007) 386 finali) “Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija” u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 (P6 – TA(2008) 0306), li dwarha l-KESE stqarr (2) li tinħtieġ forma legali vinkolanti biex jiġu garantiti d-drittijiet tal-pubbliku, kif sar f’okkażjonijiet oħra (3). Il-Kummissjoni rtirat din il-Karta u inkludiet xi punti fit-Tielet Pakkett tagħha, fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkollu impatt akbar (pereżempju, Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2009/72/KE). |
6.6 |
Fir-rigward tas-suġġett ta' din l-opinjoni, ta' min ifakkar li t-test tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali, li tiddikjara li “[s]abiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali” (Artikolu 34) u l-obbligu li tiżgura livelli għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 38). |
6.7 |
Il-KESE jtenni l-importanza li jiġi żgurat li tiġi implimentata l-garanzija ta' servizz universali, li jiġu rrispettati l-obbligi tas-servizz pubbliku, il-protezzjoni tal-gruppi soċjali li huma ekonomikament żvantaġġati u li jiffaċċjaw il-faqar fl-enerġija, pereżempju billi tiġi pprojbita l-iskonnessjoni fi żminijiet kritiċi, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u prezzijiet li jkunu raġonevoli, li jkunu jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar u li jkunu trasparenti. (4) |
6.8 |
Il-KESE jixtieq jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija f’xi każijiet għall-konsumaturi – inklużi l-aktar konsumaturi vulnerabbli – peress li b’hekk:
|
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU L 211, 14.8.2009, p.55, Artikolu 7.
(2) ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.
(3) ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti)
(4) ĠU C 151, 17.6.2008, p. 27.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta’ konsum” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/10
Relatur: is-Sinjura DARMANIN
Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Nibnu ekonomija sostenibbli billi nittrasformaw il-mudell tagħna ta' konsum
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’98 vot favur, 7 voti kontra u 8 astensjonijiet.
0. Preambolu
Fil-kuntest tal-kriżi li l-Ewropa għadha qed tgħix, ir-realtà għal numru ta' Ewropej hija li għadhom qegħdin isibuha diffiċli biex ma jitilfux xogħlhom jew jiggarantixxu dħul finanzjarju. L-SMEs qegħdin jiġġieldu ħafna aktar biex ma jfallux, u li jissemmew il-mudelli sostenibbli jista’ jidher ftit lussuż. Madankollu, il-politiki għas-sostenibbiltà għandhom jinkludu wkoll il-miżuri biex jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa. Din l-opinjoni ser tiffoka fuq parti limitata tas-sostenibbiltà, dik tal-konsum. Bħala prinċipju bażi, il-KESE jemmen li wieħed mill-modi fuq perijodu fit-tul sabiex jiġi indirizzat il-konsum sostenibbli huwa billi tissaħħaħ iċ-ċittadinanza fost l-Ewropej, mhux biss billi jiġu trasferiti d-drittijiet bħala konsumaturi kif stabbiliti mit-Trattat ta' Lisbona, iżda wkoll billi jissaħaħ il-valur taċ-ċittadinanza, sabiex iċ-ċittadini mhux biss ikollhom id-dritt iżda wkoll ir-responsabbiltà morali biex jaġixxu b’mod sostenibbli.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 F’ekonomija sostenibbli, il-modi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum jikkontribwixxu għall-prosperità kontinwa tal-individwi, il-komunitajiet u d-dinja naturali. Il-maġġoranza tal-persuni f’soċjetà jeħtieġ li jiġu ggwidati minn set ta' valuri komuni. Bħalma diġà għamel f’opinjonijiet oħra, il-KESE jenfasizza li l-indikaturi ambjentali u soċjali għandhom jintużaw flimkien mal-PDG sabiex jitkejjel is-suċċess ta' politika pubblika.
1.2 Is-sistema Ewropea attwali tal-produzzjoni u l-konsum titqies bħala ambjentalment insostenibbli, speċjalment minħabba d-dipendenza tagħha fuq l-enerġija, il-materjali, l-art u l-ilma, u l-impatti tagħha fuq il-klima globali u l-bijodiversità. Kieku kulħadd jgħix stil ta' ħajja Ewropew, kieku jkollna bżonn aktar minn 2.5 pjaneti.
1.3 Il-Kunsill tal-UE qabel li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’80-95 % sal-2050. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija UE2020 għandha tqis miżuri għall-produzzjoni sostenibbli kif ukoll għal konsum sostenibbli. It-tnejn huma marbutin mill-qrib u jridu jiġu indirizzati jekk irridu nimminizzaw l-impatt fuq il-pjaneta.
1.4 Il-ksib ta' tnaqqis ta' 80-95 % fl-emissjonijiet fuq 40 sena filwaqt li jinżamm tkabbir ekonomiku annwali ta' 2-3 % jfisser li l-intensità tal-karbonju fl-ekonomija jkollha tonqos b’6-10 % kull sena. Rata ta' bidla teknoloġika bħal din applikata b’mod sostnut fuq l-ekonomija kollha qatt ma kien hemm bħalha. Għaldaqstant, ikun għaqli li jitnieda djalogu serju dwar il-potenzjal li jinbidlu t-tendenzi tal-konsum u l-mudell ekonomiku u soċjali globali li jiddependi mill-espansjoni tal-produzzjoni u tal-konsum, kif ukoll li jinstabu l-mezzi l-aktar rapidi possibbli għal titjib fil-katini tal-produzzjoni u tal-provvista.
1.5 L-isforzi għal bidla li jittieħdu biss mill-ogħla livell għal isfel aktarx ma jirnexxux. Il-bidla soċjali sikwit tibda minn gruppi żgħar fis-soċjetà u tinfirex permezz ta' sensiela varjata ta' mezzi ta' komunikazzjoni. Ir-rwol tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali jista’ jkun li jidentifika, iħeġġeġ u jappoġġja l-gruppi eżistenti li qed jaħdmu favur ħajja sostenibbli.
1.6 Hemm bżonn ta' djalogu li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali kollha. Mod wieħed ’il quddiem huwa li l-Kummissjoni taħdem mal-KESE biex jinħoloq forum dwar il-konsum sostenibbli li jesplora:
— |
il-valuri li jistgħu jsawru ekonomija sostenibbli u t-tensjonijiet bejn it-tkabbir u s-sostenibbiltà ekoloġika, l-inklużjoni soċjali u l-libertà personali, il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni attwali u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri, eċċ. |
— |
jekk hemmx bżonn nikkonsmaw inqas f’ċertu oqsma, |
— |
x’jimpedixxi liċ-ċittadini milli jagħżlu forom ta' konsum aktar sostenibbli u kif jistgħu jgħinu l-gvernijiet lokali u nazzjonali u l-UE, |
— |
l-esperjenzi ta' individwi u gruppi li adottaw modi b’impatt baxx ta' għixien, u l-potenzjal biex dawn jiġu kkopjati, |
— |
il-miżuri meħtieġa biex jiġi appoġġjat konsum aktar sostenibbli fost gruppi partikolari, pereżempju l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, l-immigranti reċenti, il-familji bi tfal żgħar. |
1.7 Id-djalogu jrid ikun marbut mal-azzjoni, li għandha tinkludi l-appoġġ għall-isperimentazzjoni li ssir minn gruppi li jaħdmu favur l-għixien sostenibbli u għall-komunikazzjoni tal-esperjenzi tagħhom, l-aġġustament u t-tisħiħ tal-politiki fejn ikun rilevanti, kif ukoll azzjoni prattika fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jipprovdu tmexxija u juru l-potenzjal għal aktar prattiki sostenibbli. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-aħjar prattiki jiġu ppubliċizzati sabiex tintwera l-possibbiltà għal tibdil fil-mudelli ta' konsum.
1.8 Il-konsum sostenibbli ma jistax jitqies biss bħala taqsira tal-politika tal-ambjent. Jeħtieġ inizjattivi f’ħafna oqsma ta' politika inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kummerċ, l-affarijiet tal-konsumatur, it-trasport, l-agrikoltura u l-enerġija.
2. Bżonn ta' mudell ekonomiku u soċjali differenti
2.1 In-natura ta' ekonomija sostenibbli ilha tiġi diskussa għal ħamsin sena (1). F’ekonomija bħal din, il-modi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum jappoġġjaw il-prosperità kontinwa tal-individwi, il-komunitajiet u d-dinja naturali.
2.2 Sabiex mudell ekonomiku jkun awtosostenibbli, il-maġġoranza tal-persuni f’soċjetà jeħtieġ li jiġu ggwidati minn set ta' valuri komuni, bħalma attwalment huwa l-każ fl-Istati Membri tal-UE. Bħalissa, il-gvernijiet ixandru li jibbażaw fuq sett ta' valuri ekonomiċi billi jenfasizzaw il-PDG u indikaturi oħrajn biex jiġġestixxu l-politika tagħhom. In-nuqqasijiet tal-PDG bħala kejl ta' prosperità umana, soċjali u ekoloġika ġew rikonoxxuti b’mod mifrux. Biex jitkejjel il-progress lejn ekonomija sostenibbli, il-KESE ppropona li (2), apparti l-PDG għandha tintuża wkoll il-marka ekoloġika, flimkien ma' indikatur tal-kwalità tal-ħajja. Il-marka ekoloġika tikkalkula ż-żona ta' art produttiva meħtieġa biex issostni ċertu tip ta' ħajja għal persuna, grupp ta' nies, istituzzjoni jew reġjun. Indikatur tal-kwalità tal-ħajja għandu jqis is-saħħa, ir-rikezza materjali, l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, il-parteċipazzjoni soċjali u l-integrazzjoni ta' persuna ġdida, il-ħin liberu u l-kwalità tal-ambjent.
2.3 L-użu ta' sett usa’ ta' indikaturi biex jitkejjel is-suċċess ta' politika governattiva jista’ jkun mistenni li jwassal għal inqas enfasi fit-tfassil tal-politika dwar il-promozzjoni tat-tkabbir tal-PDG, u aktar fuq dimensjonijiet oħra ta' benesseri umani, soċjali u ekoloġiċi.
3. L-isfida ekoloġika
3.1 L-Aġenzija Ambjentali Ewropea tenfasizza żewġ kategoriji prinċipali ta' kwistjonijiet fir-rapport li ser tippubblika dalwaqt dwar l-Istat tal-Ambjent u l-Perspettiva għall-2010: il-klima u l-enerġija, u l-bijodiversità u l-ekosistemi (3). L-isfida ċentrali għas-sostenibbiltà tas-soċjetà Ewropea hija d-degradazzjoni tal-ekosistemi li jsostnuha u tal-bażi tar-riżorsi tagħha inklużi l-enerġija, il-ħamrija u l-ilma. Fl-2003, il-marka ekoloġika medja tal-UE ġiet stmata għal kważi 5 ettari, li qedin jiżdiedu, għal kull persuna filwaqt li d-disponibbiltà globali tal-art kienet biss ta' 1.8 ettaru għal kull persuna u din qed tonqos (4). Għalhekk, kieku kulħadd jgħix stil ta' ħajja Ewropew, kieku jkollna bżonn aktar minn 2.5 pjaneti.
3.2 Il-bidla fil-klima hija partikularment importanti peress, apparti l-impatti diretti fuq il-ħajja umana, hemm possibbiltà li taggrava l-impatti tas-soċjetà fuq il-bijodiversità, l-ilma ħelu u sistemi oħrajn. L-akbar kontributur għall-marka ekoloġika tal-Ewropa hija l-użu tagħha tal-karburanti fossili u l-produzzjoni tal-gassijiet b’effett ta' serra. Elementi prinċipali oħra jinkludu l-użu tal-art għall-agrikoltura, it-trasport u l-bini. Il-marka ekoloġika ma tqisx b’mod adegwat aspetti prinċipali oħra tal-ekonomija Ewropea, inklużi l-użu tal-ilma (l-aktar għall-agrikoltura) u l-minerali skarsi.
3.3 Il-Kunsill tal-UE qabel li l-pajjiżi industrijalizzati għandhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’80-95 % sal-2050 – nuqqas annwali ta' 4-7 %. Jinsab impenjat inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, jew bi 30 % jekk pajjiżi oħra jagħtu impenji simili. Fil-fatt, il-KESE ppropona (5) li l-mira ta' 30 % tkun bla ebda kondizzjoni.
3.4 L-UE qed tfittex li tikseb mitigazzjoni tal-gassijiet b’effett ta' serra primarjament permezz tal-mezzi teknoloġiċi filwaqt li ssostni t-tkabbir ekonomiku. Filwaqt li teżisti t-teknoloġija biex jintlaħqu dawn l-għanijiet għall-2020, il-progress fl-implimentazzjoni kien batut. Fl-1997, l-UE15 impenjat ruħha għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 8 % sal-2008-2012 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, iżda l-emissjonijiet fl-2006 naqsu biss bi 2.2 %. Fl-UE27, l-emissjonijiet naqsu għal 7.7 % f’dan il-perijodu, iżda ogħlew b’1.5 % mill-2000 (6). Sa mis-snin 90, l-effiċjenza enerġetika tal-UE tjiebet b’0.5 % biss kull sena (7).
3.5 Il-ksib ta' tnaqqis ta' 80-95 % fl-emissjonijiet fuq 40 sena filwaqt li jinżamm tkabbir ekonomiku annwali ta' 2-3 % ifisser li l-intensità tal-karbonju tal-ekonomija jkollha tonqos b’6-10 % kull sena. Rata ta' bidla teknoloġika bħal din applikata b’mod sostnut fuq l-ekonomija kollha qatt ma kien hemm bħalha. Għaldaqstant, ikun għaqli li jitnieda djalogu serju dwar il-potenzjal li jinbidlu t-tendenzi tal-konsum u l-mudell ekonomiku u soċjali globali li jiddependi mill-espansjoni tal-produzzjoni u tal-konsum, kif ukoll li jinstabu l-mezzi l-aktar rapidi possibbli għal titjib fil-katini tal-produzzjoni u tal-provvista.
4. Konsum sostenibbli: l-iffaċilitar tal-għażla
4.1 Matul is-Summit tad-Dinja li nżamm f’Rio fl-1992, il-gvernijiet Ewropej taw l-impenn tagħhom li jeliminaw il-konsum u l-mudelli ta' produzzjoni li mhumiex sostenibbli. Fil-Proċess ta' Marrakexx komplew jagħtu l-impenn tagħhom biex jiżviluppaw pjani ta' azzjoni għal konsum u produzzjoni sostenibbli sal-2010, sabiex jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2011.
4.2 Hemm korp dejjem jikber ta' riċerka dwar il-konsum sostenibbli u l-mezzi ta' kif dan jista’ jinkiseb (8). Il-konsumaturi jħossuhom msakkra fl-istili ta' ħajja attwali tagħhom – pereżempju, anke jekk jixtiequ jużaw il-karozza anqas, ma jistgħux jimmaġinaw kif jistgħu jagħmlu dan. Il-konsum huma msawwar u llimitat minn sensiela ta' influwenzi fosthom il-bżonnijiet psikoloġiċi, il-personalità, l-ambjent soċjali, il-fatturi kulturali, u d-disponibbiltà u l-prezzijiet ta' prodotti u servizzi alternattivi. Fis-soċjetà tal-konsum, l-għażliet tal-konsum jaqdu rwol ċentrali biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjali u psikoloġiċi – pereżempju li tkun parti minn grupp, l-awtostima u d-definizzjoni tal-identità personali. Dan kollu jagħmilha diffiċli biex l-individwi jikkunsidraw bidla, u biex il-gvernijiet jintroduċu politika għal bidla fil-konsum. Meta ġew implimentati politiki bħal dawn, ir-riżultati, wisq insostanzjali jew bil-mod, kienu fil-maġġorparti diżappuntanti, u għalhekk kien diffiċli biex jiġu sostnuti quddiem ir-reżistenza tal-interessi maħluqin.
4.3 Sadattant, il-motivazzjonijiet, it-tendenzi tal-konsum u r-risposti possibbli għal politiki speċifiċi jvarjaw b’mod konsiderevoli minn persuna għal oħra. Għal individwu partikolaei dawn jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni. Għalhekk m’hemmx soluzzjoni sempliċi ta' politika għall-konsum sostenibbli. Pjuttost tinħass l-influwenza ta' sensiela ġenerali ta' politiki f’oqsma li jinkludu l-agrikoltura, l-impjiegi, l-edukazzjoni u s-saħħa. Jistgħu jinħtieġu strateġiji partikolari biex jiġu appoġġjati għażliet aktar sostenibbli minn gruppi speċifiċi bħall-anzjani u ż-żgħażagħ.
4.4 Fi żminijiet ta' emerġenza nazzjonali u ta' gwerra n-nies adottaw rażan volontarju bil-massa iżda l-kriżi ekoloġika, b’mod ġenerali, ma titqiesx bħala emerġenza fuq skala bħal din. Madankollu, hemm għadd li dan l-aħħar qed jiżdied ta' nies li għażlu stili ta' ħajja aktar sempliċi biex inaqqsu l-impatt ekoloġiku tagħhom. Xi wħud mill-aktar sforzi ta' suċċess għall-bidla fil-konsum kienu bbażati fuq il-ħolqien ta' gruppi komunitarji – pereżempju l-approċċ tal-Ecoteam użat f’diversi pajjiżi mill-Pjan ta' Azzjoni Globali, li jgħaqqad flimkien gruppi żgħar ta' nies f’viċinat, post tax-xogħol jew skola biex jimmonitorjaw l-iskart tagħhom u l–konsum tal-enerġija u tal-ilma u jidentifikaw azzjoni li jistgħu jieħdu biex jgħixu b’mod aktar sostenibbli.
4.5 L-isforzi għal bidla li jittieħdu biss mill-ogħla livell għal isfel aktarx ma jirnexxux – speċjalment fejn il-politiċi bi stili ta' ħajja bbażata ħafna fuq il-konsum qed jippruvaw jinfluwenzaw il-pubbliku ġenerali. Il-konsum sostenibbli mhuwiex prijorità importanti ħafna għal ħafna min-nies. Madankollu, il-bidla soċjali sikwit tibda minn gruppi żgħar fis-soċjetà u tinfirex permezz ta' mezzi differenti ta' komunikazzjoni, inklużi l-mezzi tax-xandir tal-massa, l-arti, netwerks informali ta' ħbiberija u organizzazzjonijiet ta' twemmin. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom rwol li jidentifikaw u jħeġġu lill-gruppi eżistenti li qed jaħdmu favur ħajja sostenibbli milli jimponi l-fehma tagħhom dwar x’inhu meħtieġ fuq il-komunità b’mod ġenerali.
4.6 L-għażla ta' stil ta' ħajja sostenibbli m’għandhiex titqies u tintwera bħala lussu li jistgħu jippermettuha biss dawk li għandhom il-mezzi finanzjarji biex jagħmlu din l-għażla. Il-KESE enfasizza li l-produzzjoni sostenibbli m’għandhiex tfisser prezz ogħla (9) iżda għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd. Huwa essenzjali li l-konsum b’impatt baxx ma jkunx jiswa aktar għall-individwi peress li dan jiffaċilita l-għażliet għal parti waħda biss tas-soċjetà u jwassal għall-marġinalizzazzjoni tal-foqra u dawk bi dħul aktar baxx.
4.7 Il-KESE jenfasizza li biex jiġu ffaċilitati l-għażliet għal mod ta' konsum b’impatt baxx jeħtieġ li jiġu indirizzati oqsma kritiċi oħra tal-benesseri, li wħud minnhom huma meqjusa bħala aktar essenzjali, fosthom l-opportunitajiet ta' impjieg, pagi adatti għal xogħol li jkun sar, impjiegi deċenti u aċċess għall-kreditu għall-SMEs.
5. Kwistjonijiet ta' politika li għandhom jiġu indirizzati
5.1 L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom tradizzjoni konsolidata biex jiddefinixxu viżjoni u jmexxu lejn bidla radikali, fid-dawl tal-kostruzzjoni ta' Ewropa magħquda. Madankollu, huma ħadmu l-aktar b’mudell pluralistiku, fejn iffaċilitaw il-ftehim bejn il-gvernijiet aktar milli ggwidaw il-bidla f’direzzjonijiet partikolari. Kien hemm każijiet fejn l-UE ħadet l-inizjattiva, pereżempju fir-rigward ta' standards tas-saħħa u dawk ambjentali. Dawn l-esperjenzi jistgħu jkunu ta' valur għall-bini ta' ekonomija sostenibbli. It-tmexxija u l-ispirazzjoni jistgħu jkunu importanti daqs l-għarfien espert u l-ħila burokratika.
5.2 Il-Kumitat laqa’ l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (10). Ħafna politiki oħra tal-UE huma rilevanti għall-konsum sostenibbli, fosthom l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS), id-Direttiva relatata mad-disponibilità ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti, id-Direttiva dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief, id-Direttiva dwar il-Bijokarburanti, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, id-Direttiva dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija, u d-dispożizzjonijiet ambjentali fil-Politika Agrikoli Komuni. Madankollu, il-politika tal-UE tiffoka fuq strumenti tas-suq u l-istandards tat-teknoloġija u tal-prodott. Hija biss l-ETS li tindirizza l-livelli assoluti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra. Objettivi politiċi oħra, bħaż-żieda tal-mobbiltà, huma diffiċli biex jiġu kkonċiljati. Ftit li xejn hemm politiki li jindirizzaw direttament il-konsum u l-istili ta' ħajja u huwa ċar li l-politiki mhumiex adatti biex jiksbu l-miri ta' tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra u l-indipendenza minn riżorsi minerali mhux sostenibbli.
5.3 Hemm bżonn ta' djalogu li jinvolvi lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali kollha. Mod wieħed ’il quddiem huwa li l-Kummissjoni taħdem mal-KESE u korpi oħra biex jinħoloq forum dwar il-konsum sostenibbli li jesplora:
— |
il-valuri li jistgħu jsawru ekonomija sostenibbli u t-tensjonijiet li għandhom jiġu indirizzati, eż. bejn it-tkabbir u s-sostenibbiltà ekoloġika, l-inklużjoni soċjali u l-libertà personali, il-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni attwali u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri, eċċ.; |
— |
jekk hemmx bżonn nikkonsmaw inqas f’ċertu oqsma. Il-konsum tal-ikel, l-enerġija u t-trasport huma responsabbli għall-maġġoranza tal-gassijiet b’effett ta' serra. Hemm frizzjonijiet bejn is-sostenibbiltà u objettivi oħra, iżda wkoll sinerġiji potenzjali (pereżempju, iċ-ċikliżmu jista’ jkun ta' ġid għas-saħħa u għall-ambjent); |
— |
x’jimpedixxi liċ-ċittadini milli jagħżlu forom ta' konsum aktar sostenibbli u kif l-gvernijiet lokali u nazzjonali u l-UE jistgħu jgħinu. Dan jista’ jinkludi pereżempju l-iżgurar li l-politiki eżistenti (pereżempju d-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini) jiġu implimentati bis-sħiħ u jissaħħu l-miżuri fi ħdan il-Pjan ta' Azzjoni tal-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu ikel prodott b’mod aktar sostenibbli; |
— |
l-esperjenzi ta' individwi u gruppi li adottaw modi b’impatt baxx ta' għixien, u l-potenzjal biex dawn jiġu kkopjati. Dan jista’ jinkludi organizzazzjonijiet bħall-Pjan ta' Azzjoni Globali, li l-EcoTeams tiegħu tipikament jirnexxilhom jiksbu tnaqqis ta' 40-50 % fl-iskart mhux irriċiklat, netwerks bħal Transition Towns li jaħdmu biex jibnu komunitajiet lokali li jkunu flessibbli fir-rigward tat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, u gruppi ta' twemmin bħall-Quakers li għandhom valuri dejjiema li jappoġġjaw għixien b’impatt baxx. Xi individwi f’uħud minn dawn il-gruppi u netwerks żviluppaw stili ta' ħajja sodisfaċenti filwaqt li jużaw 60-80 % anqas materjali u riżorsi tal-enerġija mill-medja tal-UE; |
— |
il-miżuri meħtieġa f’perijodu ta' bidla lejn konsum aktar sostenibbli biex jiġi appoġġjat l-aġġustament ta' gruppi partikolari, pereżempju l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, l-immigranti reċenti, il-familji bi tfal żgħar; |
— |
kif nistgħu nagħqdu flimkien il-bidja lejn konsum b’impatt baxx u l-produzzjoni sostenibbli mal-kompetittività tas-suq intern. |
5.4 Il-politika għandha tindirizza kemm azzjonijiet immedjati kif ukoll dawk fil-perijodu fit-tul għall-bidla fil-konsum. L-esperjenza tgħallem ħafna, pereżempju fil-każ tat-tipjip, fejn taħlita ta' prezzar, regolamenti, tikkettar u edukazzjoni wasslu għal bidla sostanzjali fl-attitudnijiet u imġiba.
5.4.1 L-inċentivi fil-prezzijiet huma parti importanti f’pakkett ta' politika, iżda teżisti tensjoni bejn l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija (11) u l-bżonn li jitnaqqas il-konsum. It-taxxi fuq il-karbonju jew il-kummerċ iridu jiġu kkomplementati minn miżuri oħra. Pereżempju, mingħajr appoġġ b’saħħtu għall-insulazzjoni tad-dar u sorsi alternattivi tal-enerġija, il-prezzijiet għoljin tal-karburant jew tal-karbonju jistgħu jżidu l-faqar marbut mal-ispiża ta' karburant.
5.4.2 F’bosta okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-importanza tal-programmi edukattivi għal imġiba sostenibbli effettiva. Il-KESE jtenni li dawn il-programmi ta' tagħlim m’għandhomx ikunu immirati biss lejn l-iskejjel u ż-żgħażagħ, li huma importanti, iżda wkoll lejn nies minn kull stadju tal-ħajja. L-anzjani għandhom jiġu pprovduti b’edukazzjoni vokazzjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u programmi. Huwa importanti li l-prattiki sostenibbli ma jżidux il-marġinalizzazzjoni ta' gruppi, bħall-persuni qiegħda.
5.5 Id-djalogu għandu jkun marbut mal-azzjoni, li għandha tinkludi l-appoġġ għall-esperimentazzjoni li ssir minn gruppi li jaħdmu favur l-għixien sostenibbli u għall-komunikazzjoni tal-esperjenzi tagħhom. Biex ikun ta' użu għandu jittieħed bis-serjetà mill-istituzzjonijiet tal-UE, iwassal għal aġġustament u t-tisħiħ tal-politiki, fejn ikun rilevanti, u għal azzjoni prattika fi ħdan dawk l-istituzzjonijiet biex jipprovdi tmexxija u juru l-potenzjal għal aktar prattiki sostenibbli.
5.6 Il-konsum sostenibbli ma jistax jitqies biss bħala taqsira tal-politika tal-ambjent. Jeħtieġ inizjattivi f’ħafna oqsma ta' politika inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kummerċ, il-kompetizzjoni, l-affarijiet tal-konsumatur, it-trasport, l-agrikoltura u l-enerġija.
5.7 Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’mod serju azzjoni għal konsum sostenibbli fil-qafas tal-programm ta' ħidma tal-2010 tal-Kummissjoni “Żmien li tittieħed azzjoni” (12) u għaldaqstant fi ħdan l-UE2020.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Boulding, K. “The economics of the coming spaceship earth”, in Environmental Quality in a Growing Society, (Baltimore: Johns Hopkins University Press, 1966) pp. 253 ff.
(2) Opinjoni fil-ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.
(3) L-Aġenzija Ambjentali Ewropea, Signals 2010.
(4) Global Footprint Network u WWF, Europe 2007: Gross Domestic Product and Ecological Footprint (Ewropa 2007: Prodott Domestiku Gross u l-Marka Ekoloġika).
(5) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 73.
(6) ŻEE, Annual European Community greenhouse gas inventory 1990–2006 and inventory report 2008 (Inventarju annwali tal-gassijiet b’effett ta' serra tal-Komunità Ewropea 1990-2006 u r-rapport inventarju 2008): Imressaq lis-Segretarjat tal-UNFCCC, (Kopenħagen: ŻEE, 2008).
(7) Tipping, P. et al., Impact Assessment on the Future Action Plan for Energy Efficiency, (Valutazzjoni tal-Impatt tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Futur għall-Effiċjenza fl-Enerġija) imwetta minn ECN (NL) u WS Atkins (UK) għal DĠTREN. Kuntrattur: ECORYS, NL (2006).
(8) Jackson, T. Motivating Sustainable Consumption: A Review of Evidence on Consumer Behaviour and Behavioural Change (Nimmotivaw il-Konsum Sostenibbli: Ħarsa lejn l-Evidenza dwar l-Imġiba tal-Konsumatur u t-Tibdil fl-Imġiba), rapport tan-Netwerk tar-Riċerka dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, 2005, disponibbli minn: http://www.sd-research.org.uk/.
(9) ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1.
(10) ĠU C 218, 11.9.2009, p. 46.
(11) Monti, M., A. A New Strategy for the Single Market (Strateġija ġdida għas-suq uniku), Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Mejju 2010.
(12) COM(2010) 135 finali, vol. I.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/62 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Informazzjoni għall-konsumatur” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/11
Relatur: is-Sur PEGADO LIZ
Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
Informazzjoni għall-konsumatur
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’81 vot favur, vot wieħed kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Illum il-ġurnata id-dritt taċ-ċittadin għall-informazzjoni, fl-aspetti varji tagħha – il-libertà tal-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinforma, id-dritt li wieħed jiġi informat u, b’mod partikulari d-dritt għall-informazzjoni għall-konsumatur – huwa rikonoxxut b’mod ġeneralment vinkolanti bħala dritt fundamentali fis-sistema legali Komunitarja fil-leġislazzjoni primarja (paragraph 5 of the Preamble and Articles 11, 27, 38, 42 and 53 of the EU Charter of Fundamental Rights, Article 2 TEU and Article 169 TFEU).
1.2 Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir b’rabta mal-leġislazzjoni sekondarja, fejn il-konfigurazzjoni l-ġdida ta' din ir-regola bażika għadha ma ġietx trasposta jew definita. Fil-fatt, il-kontenut tad-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, l-aċċess għaliha u l-importanza, il-profil u l-mod kif dan isir mhumiex indirizzati b’mod konsistenti fil-liġi Komunitarja u jidhru ommissjonijiet u duplikazzjonijiet li għandhom impatt fuq il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u jiġu amplifikati minnha; dan jagħmel ħsara kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-atturi ekonomiċi, u bħala konsegwenza, anke għall-isforzi biex jiġi komplut is-suq uniku.
1.3 Il-KESE jaħseb li d-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni, kemm jekk hu prekuntrattwali, kuntrattwali jew postkuntrattwali, kif ukoll għall-għajnuna u għall-għoti ta' pariri – mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' sussidjarjetà – għandu jiġi ttrattat minn regoli speċifiċi tal-UE.
1.4 L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, li bilfors trid tkun limitata għall-aspetti fundamentali tad-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni, għaldaqstant huwa li jiġu enfasizzati wħud mill-prinċipji li joħorġu minn dan l-approċċ ġdid u l-konsegwenzi prattiċi tagħha, b’mod partikulari fil-qafas tal-passi biex jiġi żviluppat suq uniku għas-seklu 21 bħala parti mill-Istrateġija tal-2020.
1.5 Huwa neċessarju li jiġi rikonoxxut li l-linji gwida l-iktar reċenti tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur inġenerali u d-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni b’mod partikulari, filwaqt li jagħmlu użu indiskriminat tat-teknika ta' armonizzazzjoni sħiħa, qed imorru kontra dan il-kunċett billi, bil-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jirrestrinġu l-kapaċità tal-Istati Membri biex jgħollu l-livelli tad-drittijiet tal-konsumatur u anke jillimataw din il-kapaċità billi jimponu effett retroattiv fuq id-drittijiet mogħtija taħt id-direttivi tal-Komunità u fil-kostituzzjonijiet u l-liġijiet tal-Istati Membri.
1.6 Il-KESE għadu jemmen li, meta jiġu ddefiniti l-liġijiet tal-konsumatur li jaqgħu taħt l-ambitu tal-UE, għandu jippredomina l-kunċett tal-parti l-iktar dgħajfa u l-iktar vulnerabbli, u mhux dak tal-konsumatur imnebbaħ, li josserva u jqis sew l-imġiba tiegħu hu u jieħu deċiżjonijiet fuq bażi purament ekonomika. F’konformità ma' dan l-approċċ, il-KESE għadu tal-fehma li armonizzazzjoni minima u livell għoli ta' ħarsien huma iktar konformi mar-rekwiżiti tat-trattati u iktar konsistenti man-natura vera tar-relazzjonijiet mal-konsumatur.
1.7 Huwa fl-isfond ta' dan li jispikka l-kunċett ta' “informazzjoni xierqa”, fejn għandha tingħata iktar importanza lill-kwalità tal-informazzjoni u mhux il-kwantità, sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi reali tal-konsumaturi, skont l-għan, il-kontenut, il-preżentazzjoni u l-kontest ta' din l-informazzjoni.
1.8 Fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni inġenerali, huwa essenzjali li jiġi stabbilit il-karattru universali ta' dritt suġġettiv fil-livell Komunitarju, kif ukoll li jiġu identifikati l-obbligi tal-awtoritajiet pubbliċi u l-entitajiet professjonali li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli.
1.9 Fil-każ tar-rwol tal-komunikazzjonijiet kummerċjali fl-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi, inkluż ir-reklamar, il-KESE huwa tal-fehma li ġeneralment għandha tapplika r-regola stipulata fid-direttiva dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar, li tgħid li l-messaġġi b’informazzjoni preċiża u konkreta dwar kull prodott, servizz u dritt li huwa l-oġġett ta' relazzjoni ma' konsumatur għandhom jitqiesu bħala parti integrali tal-kuntratt.
1.10 Fuq l-istess suġġett, l-istruttura kollha kemm hi tad-direttiva dwar prattiki kummerċjali mhux ġusti għandha tiġi riveduta u riformulata sabiex jiġu evitati l-effetti diżastrużi ta' armonizzazzjoni sħiħa, li issa qed jiġu rikonoxxuti f’sensiela sħiħa ta' sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja.
1.11 L-oqsma fejn madankollu għad hemm ħin biex tittieħed azzjoni skont il-linji rrakkomandati f’din l-opinjoni jinkludu: il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, fejn għandha titfassal “karta tad-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni” li hija ġenwina; l-aspetti prekuntrattwali, kuntrattwali u postkuntrattwali; id-dritt għall-pariri u għajnuna; u definizzjoni kemm tan-natura tan-nuqqasijiet kif ukoll tal-konsegwenzi ta' ommissjonijiet fl-informazzjoni u ta' informazzjoni mhux korretta.
1.12 Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li ssir reviżjoni mill-bidu sal-aħħar tal-lista ddettaljata ta' rekwiżiti ta' informazzjoni prekuntrattwali u kuntrattwali li jiġu imposti fuq professjonisti u li ta' sikwit ikunu kontradittorji, inkonsistenti u dduplikati f’direttivi settorjali varji.
1.13 Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jiġu ddefiniti rekwiżiti ġenerali fir-rigward ta' dawn l-obbligi, f’konformità mal-linji gwida li ġejjin:
a. |
Għandu jkun hemm obbligu ġenerali biex tingħata informazzjoni prekuntrattwali li tkopri, fost oħrajn, il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, il-professjonist involut, il-prezz għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet assoċjati, id-dritt ta' rtirar u l-metodu ta' riżoluzzjoni ta' kunflitti li ntuża. |
b. |
Il-kontenut u l-livell tal-informazzjoni prekuntrattwali mogħtija għandhom ikunu aġġustati b’mod wiesa’ skont il-prodotti u/jew is-servizzi kkonċernati, b’mod speċjali jekk is-suġġett huwa kumpless jew għandu impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur. |
c. |
Il-mod kif tingħata l-informazzjoni għandu jikkonforma mal-prinċipju ġenerali tal-ġustizzja: m’għandhiex tinganna u lanqas tħalli barra aspetti ewlenin, u għandha tkun ċara u li tinftiehem, mhux biss fir-rigward tal-oġġett tal-kuntratt iżda wkoll tal-mod kif inhu rreklamat u kif jitqiegħed fis-suq. |
d. |
Informazzjoni prekuntrattwali għandha tinkorpora l-kuntratt konkluż mill-konsumatur. |
e. |
Għandu jiġi stabbilit il-prinċipju ta' informazzjoni b’xejn dwar aspetti fundamentali tal-kuntratt, flimkien mal-prinċipju tal-alinjament tal-prezzijiet skont l-ispejjeż f’każijiet oħrajn. |
f. |
Meta jiddeċiedu biex jiffirmaw kuntratt, konsumaturi għandu jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tkun disponibbli u għandhom id-dritt li jingħataw kjarifika dwar din l-informazzjoni kif ukoll dwar il-kontenut u l-konsegwenzi tal-kuntratt. |
g. |
Għandu jiġi previst l-obbligu biex il-professjonist ikun obbligat jagħti għajnuna u pariri; għandha tkun partikularment stretta fejn jidħlu prodotti u/jew servizzi li huma jew kumplessi jew jinvolvu riskji għas-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumatur, skont il-kriterji msemmija f’punt 8. |
h. |
Ir-responsabbiltà tal-prova li jiġi stabbilit li l-informazzjoni prekuntrattwali ngħatat u li ntlaħaq l-obbligu biex tingħata għajnuna taqa’ f’idejn il-professjonist. |
i. |
Billi huwa punt importanti, in-nuqqas ta' konformità ma' informazzjoni prekuntrattwali u obbligi ta' għajnuna għandu jwassal għad-dritt tal-irtirar flimkien ma' kumpens mogħti għad-danni. |
1.14 Il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq reviżjoni ddettaljata tal-proposta għal direttiva msemmija hawn fuq, b’mod partikulari l-parti li tittratta d-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni, bil-għan li jiġu inkorporati l-prinċipji u l-każijiet partikulari fejn dawn id-drittijiet japplikaw, kif inhu rrakkomandat f’din l-opinjoni.
1.15 Il-Kumitat isejjaħ ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex qabel ma japprovaw il-proposta msemmija hawn fuq, jindirizzaw il-punti ewlenin fiha li huma relatati mad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni, skont il-linji mfissra f’din l-opinjoni.
1.16 Għandu wkoll jiġi stabbilit qafas legali koerenti, fil-livell Komunitarju, sabiex tiġi rregolata l-komunikazzjoni kummerċjali online, li tirrispetta, f’kull każ, id-dritt għall-privatezza personali bħala dritt fundamentali tal-persuna.
2. Daħla: id-dritt għall-informazzjoni – dritt fundamentali taċ-ċittadinanza – u d-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni
2.1 Din hija l-ewwel darba li approċċ indipendenti u sistematiku ġie adottat minn istituzzjoni tal-UE lejn id-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni, fil-qafas usa’ tad-dritt għall-informazzjoni bħala wieħed mid-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea. Il-KESE qed jadotta dan l-approċċ bħala kontribuzzjoni għal diskussjoni usa’ dwar din il-kwistjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili inġenerali, mingħajr ma jinsa l-impatt ċar li din ikollha fuq kull approċċ ġdid sabiex jiġi komplut is-suq uniku.
2.2 L-immensità ta' dan is-suġġett tesiġi definizzjoni mgħarbla sew tiegħu – konsegwenza neċessarja tal-limiti naturali ta' opinjoni ta' dan it-tip u r-riżultat ta' kontribuzzjonijiet mressqa minn korpi varji u t-tħassib espress waqt is-seduta li kellha attendenza tajba li ġiet organizzata mill-KESE fl-1 ta' Marzu 2010 (dettalji dwarha jinsabu fil-paġna tal-SMO fis-sit tal-internet tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.consumer-information).
2.3 Huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dritt taċ-ċittadin għall-informazzjoni, imħaddan fid-dikjarazzjonijiet l-iktar universali u fil-karti tad-drittijiet fundamentali, sar parti integrali tas-sistema legali Komunitarja biss meta l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali ġiet inkorporata fit-Trattat ta' Lisbona (li daħal fis-seħħ m’ilux). Din tkopri l-libertà tal-informazzjoni, id-dritt li wieħed jinforma/id-dritt li wieħed jikseb l-informazzjoni, u d-dmir li wieħed jinforma/id-dritt li wieħed jiġi infurmat (ara b’mod partikulari l-punt 5 tal-Preambolu u l-Artikoli 11, 27, 38, 42 u 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamental tal-UE, l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 169 TFUE). Barra minn hekk, hemm ukoll id-dritt fundamentali għall-privatezza fir-rigward tal-prattiki kummerċjali aggressivi u mhux mixtieqa mill-konsumatur u fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali mhux mixtieqa jew “spam”.
2.4 Dawn l-aspetti huma partikularment importanti llum, b’mod speċjali f’relazzjoni mad-drittijiet tal-konsumatur, l-iktar l-essenza ta' dawn id-drittijiet u l-mod kif inhuma eżerċitati, kif ukoll l-obbligi speċjali assoċjati magħhom li huma r-responsabbiltà tal-partijiet varji involuti, mill-mument li jitqiesu bħala drittijiet fundamentali u jridu jiġu kkunsidrati meta jiġu ddefiniti u implimentati l-politiki u l-miżuri varji tal-Komunità.
2.5 Fil-fatt, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-kompetenzi maqsuma li jirregolaw is-sistema legali tal-UE f’dan il-qasam, il-lum il-ġurnata hija prekundizzjoni bażika għall-operazzjoni tajba tal-mudell tal-kompetizzjoni ħielsa partikulari għas-sistema tal-ekonomija tas-suq li fuqha tissejjes l-UE, li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-fatti ewlenin kollha għal teħid ta' deċiżjonijiet b’mod razzjonali f’dan is-suq.
2.6 Waħda mill-konsegwenzi ta' dan l-obbligu ġenerali huwa d-dmir li tiġi żgurata “t-trasparenza” fit-tħaddim tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, fejn “is-sigrieti” għandhom ikunu l-eċċezzjoni, fil-każ neċessarju ta' konsiderazzjonijiet importanti relatati mat-tħaddim tajjeb ta' sistema legali, l-interess pubbliku, il-liġi u l-ordni pubblika, u l-ħarsien tal-ħajja privata. Għalkemm m’hemmx dubju li sar progress importanti mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u ġew implimentati inizjattivi mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew (1), din il-linja gwida sfortunatament ma ġietx adottata mill-Kunsill; it-tama hija li bid-dħul fis-seħħ tat-Tratta ta' Lisbona l-ġdid ser isir progress sinifikanti. Minkejja r-rilevanza ta' dan is-suġġett għat-titjib tal-informazzjoni għall-konsumaturi inġenerali, mhux ser jiġi indirizzat fid-dettall; il-qarrejja huma mitluba jfittxu l-opinjoni tal-KESE li tiffoka fuq dan is-suġġett preċiż.
2.7 Barra minn hekk, minkejja r-rilevanza tagħhom li ħadd ma jista’ jinnegaha, aspetti relatati mal-edukazzjoni ġenerali għall-konsumaturi mhux ser jiġu indirizzati lanqas, iżda l-qarrejja jistgħu jirriferu għall-opinjonijiet tal-KESE dwar dan is-suġġett (2), b’mod partikulari l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-Edukazzjoni tal-Konsumatur” (3).
2.8 Fl-aħħar nett, għalkemm tirrikonoxxi b’mod ċar il-ħtieġa għal approċċ settorjali għad-dritt għall-informazzjoni fil-livell tal-Komunità sabiex tiġi enfasizzata n-natura speċifika ta' xi oqsma, prodotti u servizzi – bħal prodotti tal-ikel, mediċini, servizzi finanzjarja u l-kummerċ elettroniku – fejn għandhom jittieħdu passi sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni fl-ogħla livell, il-limitazzjonijiet li jagħmlu parti intrinsika minn opinjoni ta' dan it-tip mhumiex konsistenti ma' dokument daqstant iddettaljat.
2.9 Għaldaqstant, enfasi partikulari ta' din l-opinjoni se tkun il-linji gwida li għandhom jiġu adottati fil-livell Komunitarju sabiex jiġu definiti u kkaratterizzati d-drittijiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni inġenerali u b’mod partikulari l-istadji varji f’relazzjoni kuntrattwali.
3. Il-konsumatur “medju” kontra l-konsumatur “vulnerabbli” – il-kunċett ta' informazzjoni adegwata
3.1 Mill-bidu nett il-programmi tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur (li ssarrfu fil-miżuri leġislattivi l-iktar importanti ta' dawn l-aħħar 30 sena), l-aquis Komunitarju – appoġġjat mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u approċċ komuni adottat mill-ogħla esperti f’dan il-qasam – iċċara l-kunċett tal-konsumatur bħala “l-parti l-iktar dgħajfa” f’relazzjoni legali bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ li min-natura tagħha mhijiex indaqs; barra minn hekk, il-leġislazzjoni kollha f’din l-isfera kienet immirata biex toħloq mill-ġdid bilanċ f’din ir-relazzjoni permezz ta' miżuri ta' protezzjoni speċjali.
3.2 Madankollu, dan l-aħħar, il-Kummissjoni – f’dokumenti ta' strateġija differenti li ssarrfu f’inizjattivi leġislattivi varji (4) – żviluppat il-kunċett tal-“konsumatur medju” li huwa “informat raġonevolment tajjeb u osservanti u attent b’mod raġonevoli” (5), u b’hekk għamlet sforz biex tniedi approċċ ġdid għall-politika Ewropea dwar il-konsumatur, imsejsa fuq armonizzazzjoni sħiħa, il-monitoraġġ skont il-pajjiż tal-oriġini u l-għarfien reċiproku.
3.3 Din il-linja gwida, li ssib oppożizzjoni ġenerali minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-Istati Membri u mill-KESE f’opinjonijiet varji, fil-fatt twassal għal inqas protezzjoni tal-konsumatur u tfisser pass lura li ma jistax jiġi aċċettat fil-politika Komunitarja f’dan il-qasam.
3.4 Madankollu, huwa preċiżament fid-dawl ta' din il-linja gwida l-ġdida li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-konsumatur ħadet importanza ikbar, billi l-esiġenza fuq il-konsumaturi biex ikunu informati tajjeb qed tiżdied dejjem iktar sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet razzjonali fis-suq globali. Fil-fatt, il-mudell neoliberali li fuqu hija msejsa huwa bbażat fuq premessi magħrufin, b’mod partikulari:
a) |
ir-rikonoxximent kritiku tal-ħtiġijiet tiegħu u prijoritizzazzjoni tal-preferenzi; |
b) |
il-possibilità li jiġu mqabbla prodotti u servizzi varji fis-suq; u |
c) |
l-għarfien – tekniku u ekonomiku – tal-kwalità u l-prezz ta' kull prodott u servizz (6). |
3.4.1 Madankollu, huwa fid-dawl ta' dawn il-punti msemmijin hawn fuq li i) qiegħda ssir dejjem iktar rilevanti l-kwistjoni tan-natura u l-kwalità tal-informazzjoni li l-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għaliha u ii) il-kunċett ta' informazzjoni “adatta” qed isir dejjem iktar importanti.
3.5 Bil-kontra ta' dak li ntqal f’dokumenti riċenti tal-Kummissjoni, mhijiex il-kwantità tal-informazzjoni li tgħodd; l-informazzjoni trid tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi reali tal-konsumaturi u l-adegwatezza tagħha għandha tiġi evalwata skont l-għan, il-kontenut, il-preżentazzjoni u l-kuntest.
3.6 L-informazzjoni għandha tkun ukoll soġġetta b’mod permanenti għall-eżami ta' “adegwatezza” sabiex tiġi aġġustata l-kwalità tagħha skont l-għan tagħha u l-konsumaturi li għalihom hija indirizzata; il-kriterji ewlenin għal dan għandhom ikunu l-affidabilità, kemm hija topika, l-imparzjalità, il-preċiżjoni, ir-rilevanza, kemm tasal sal-punt fil-qosor, kemm tinftiehem, iċ-ċarezza, kemm tinqara tajjeb u kemm hi faċli li wieħed ikollu aċċess għaliha.
3.7 Bħala parti mill-Istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-KESE jappella lill-Kummissjoni tintroduċi l-ittestjar mill-konsumatur fir-rigward tal-iżvelar tal-kontenut u l-forma sabiex tintwera l-effikaċja tagħhom u sabiex il-konsumaturi jitħallew jiddeċiedu dak li huwa utli għalihom.
3.8 Fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, l-informazzjoni għall-konsumatur u l-edukazzjoni u l-kapaċità finanzjarja jimxu id f’id. L-informazzjoni għandha tkun semplifikata u l-lingwaġġ legali u tekniku għandu jkun limitat. Madankollu, xi prodotti finanzjarji huma kumplessi u l-informazzjoni trid tkun preċiża u b’hekk tirrifletti l-kumplessità tal-prodotti.
3.9 L-iżvelar (tal-kontenut jew tal-forma) u l-qafas regolatorju relatat iridu jkunu stabbli tul is-snin. It-tibdil frekwenti tal-parametri tal-iżvelar jista’ jagħmilha iktar diffiċli għall-konsumaturi biex jifhmu l-informazzjoni.
4. Informazzjoni, Reklamar u Marketing; Direttiva 2005/29/KE
4.1 Id-dritt tal-konsumaturi għal informazzjoni inġenerali jista’ joħloq vantaġġ ġeneralizzat bħala riżultat tal-Istat u korpi pubbliċi oħrajn li jaqdu r-rwol ta' fornitur ġeneriku tal-informazzjoni, u dan ma jistax jitqies bħala “dritt suġġettiv” ġenwin. Dan id-dritt jista’ wkoll jimponi obbligu fuq il-fornituri u partijiet oħrajn involuti fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi li jipprovdu tali informazzjoni huma nfushom.
4.2 Għal dan il-għan, il-komunikazzjonijiet kummerċjali li ma joħolqux b’mod dirett relazzjonijiet kuntrattwali jew prekuntrattwali jistgħu minkejja dan jinvolvu drittijiet li huma jew kollettivi (aktarx eżerċitati minn assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jew f’azzjonijiet kollettivi) jew anke drittijiet suġġettivi ġenwini li huma partikulari għalihom.
4.3 Daż-żmien is-suġġett huwa rregolat mid-Direttiva 2005/29/KE; il-KESE ħareġ opinjoni dwar il-proposta għad-Direttiva tal-2005 li għaliha jista’ jirriferi l-qarrej (7).
4.3.1 Kif għamel sew u avża l-KESE dak iż-żmien, l-użu tat-teknika ta' “armonizzazzjoni sħiħa” wassal għal deterjorazzjoni ċara fil-livell ġenerali tar-rekwiżit li tingħata informazzjoni lill-konsumaturi.
4.3.2 Madankollu, hija d-definizzjoni stess ta' prattiki kummerċjali li jqarrqu, permezz ta' azzjonijiet jew ommissjonijiet, flimkien mal-lista limitata ta' prattiki mehmuża mad-direttiva, l-iktar li turi b’mod ċar id-deterjorazzjoni serja li din id-direttiva ġabet magħha fir-rwol li jaqdu r-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni li jinfurmaw lill-konsumaturi b’mod ġenwin.
4.3.3 Is-sitwazzjoni hija ggravata mill-konferma espliċita li l-“prattika ta' reklamar komuni u leġittima li tagħmel stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li m’għandhomx jittieħdu litteralment” hija aċċettata, anke meta qed jiġu indirizzati gruppi ta' konsumaturi li “huma partikolarment vulnerabbli … minħabba l-mard mentali jew fisiku tagħhom, etá jew kredulitá”.
4.3.4 Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi ggravata mill-fatt li, minħabba d-direttiva huwa impossibbli li jinżammu dispożizzjonijiet li jimplimentaw leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, bħal dawk li jistipulaw li informazzjoni konkreta u oġġettiva fir-reklamar ta' prodotti, servizzi jew drittijiet għandha tiġi inkorporata f’kuntratti konklużi wara li d-direttiva daħlet fis-seħħ, u klawsoli kuntrattwali li jindikaw il-kuntrarju issa qed jitqiesu li ma japplikawx.
5. Informazzjoni dwar kuntratti; id-direttiva proposta għad-drittijiet tal-konsumatur
5.1 Wieħed mill-oqsma fejn għad fadal ħafna xi jsir huwa fid-definizzjoni ta' karta ġenwina tad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni. Jista’ jkun li l-proposta reċenti għal direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur tkun mistennija tagħmel kontribut deċiżiv biex tiġi indirizzata din il-lakuna fl-acquis Komunitarju.
5.2 Il-kapitolu dwar l-informazzjoni għall-konsumatur huwa ferm diżappuntanti: minflok definizzjoni ta' drittijiet li huma ġenwinament vinkolanti, bħal dawk fi kwalunkwe leġislazzjoni nazzjonali, hemm lista sempliċi tal-informazzjoni fakultattiva li għandha tiġi pprovduta – “jekk mhijiex diġà evidenti mill-kuntest” (8) – li, barra minn hekk, hija ovvja u fundamentali u tista’ tinstab fi kwalunkwe kodiċi ta' prattika tajba għal kwalunkwe professjoni normali. Il-qarrejja jistgħu jirreferu għall-opinjoni tal-KESE dwar din il-proposta (9).
6. Informazzjoni prekuntrattwali
6.1 Għalkemm, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet tal-konsumaturi għadhom irregolati mil-liġi interna tal-Istat Membru, proporzjon dejjem ikbar qed jintlaqtu minn rekwiżiti Komunitarji, bħalma huwa ċar fil-każ tal-informazzjoni prekuntrattwali, is-servizzi b’mod ġenerali, l-ivvjaġġar b’kollox inkluż u speċjalment is-servizzi finanzjarji, ċerti prodotti tal-konsum li jkollhom effett fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi, kif ukoll għall-bejgħ mill-bogħod tal-prodotti, is-servizzi u d-drittijiet, li huma l-għan tal-komunikazzjoni u l-prattiki kummerċjali jew kuntratti standard.
6.2 Analiżi tal-leġislazzjoni Komunitarja turi biċ-ċar il-punti komuni u d-differenzi konsiderevoli fil-kontenut u l-approċċ tal-informazzjoni prekuntrattwali, b’mod partikolari:
i. |
L-applikazzjoni sħiħa jew parzjali fl-informazzjoni prekuntrattwali tad-dettalji obbligatorji/espressjonijiet projbiti fir-reklamar ta' prodotti, servizzi jew drittijiet speċifiċi; dan huwa l-każ fil-kreditu għall-konsumatur, fejn informazzjoni standard hija meħtieġa fir-reklamar, jew fl-ivvjaġġar b’kollox inkluż, fejn l-informazzjoni tiġi ttrattata f’termini ta' dettalji obbligatorji dwar aspetti essenzjali. Huwa l-każ ukoll fil-mediċini, fejn l-informazzjoni tal-konsumatur tiġi assoċjata mal-komunikazzjonijiet kummerċjali, inkluż ir-reklamar, b’enfasi fuq ir-rekwiżit tal-informazzjoni stampata fuq it-tikketti u d-dokumenti, u anke l-prodotti tal-ikel, fejn il-proliferazzjoni attwali tat-tikketti u tikketti semplifikati qed jikkawżaw ħafna konfużjoni bla bżonn, bil-kumplikazzjoni min-naħa tar-regoli tal-informazzjoni dwar ċerti pretensjonijiet ta' nutrizzjoni u saħħa fil-prodotti tal-ikel, f’suq li qed jinbidel b’mod radikali, b’riskji potenzjali għas-saħħa tal-konsumatur. |
ii. |
L-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni prekuntrattwali: għandha tiġi pprovduta billi jitfasslu forom komuni għall-prodotti kollha fis-suq intern. Din kienet is-soluzzjoni adottata, pereżempju għall-kreditu lill-konsumatur, bl-introduzzjoni tal-formola ta' Standard Ewropew dwar il-Kreditu lill-Konsumatur, u hija bbażata fuq il-premessa ta' metodu uniku għar-riċeviment u l-fehim ta' informazzjoni prekuntrattwali fl-Ewropa. |
6.3 Minkejja l-vantaġġi magħrufa f’xi każijiet ta' standardizzazzjoni ta' informazzjoni prekuntrattwali biex jitqabblu l-offerti, huwa kruċjali li titħalla marġni għall-adattament għall-karatteristiċi speċifiċi tal-konsumaturi f’kull Stat Membru. Billi bosta swieq għad għandhom natura ġeneralment nazzjonali, l-ammont ta' informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għat-tqabbil jista’ jiġġenera spejjeż għoljin għat-transazzjonijiet, li ma jiġux ikkumpensati mit-tkabbir tas-suq transkonfinali, u dan jista’ jkun ta' ħsara għall-SMEs.
7. Informazzjoni prekuntrattwali u postkuntrattwali
7.1 L-obbligu tal-informazzjoni testendi wkoll għall-fażi kuntrattwali, speċjalment fil-kuntratti tal-konsumaturi li joħolqu obbligi kontinwi, jew li jkunu fuq perijodu fit-tul jew kumplessi (pereżempju, is-servizzi u l-prodotti finanzjarji, timeshare), jew li għandu mnejn ikollhom effetti fit-tul (il-mediċini).
7.2 Diġà hemm eżempji ta' informazzjoni korretta għall-informazzjoni kuntrattwali fil-liġi Komunitarja, bħad-Direttiva dwar l-ivvjaġġar b’kollox inkluż jew id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas.
7.3 Madankollu, id-dritt tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni libera u informata li tirfed l-impożizzjoni tal-obbligi ta' informazzjoni qabel ma jiġi konkluż kuntratt jestendi matul il-perijodu sħiħ tal-validità tal-kuntratt u anke, f’xi każijiet, wara li jintemm. Id-deċiżjoni tal-konsumatur dwar jekk ikomplix jew le b’kuntratt, u l-premessa potenzjali tar-responsabbiltà għat-twettiq tal-kuntratt, it-tnejn jiddependu fuq l-għoti ta' din l-informazzjoni.
7.4 L-ostakoli prinċipali għall-informazzjoni korretta f’dawn il-fażijiet huma, minbarra li tiġi rrifjutata għad-dritt, huma l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-konformità. Huwa nnotat li r-regola li l-informazzjoni għall-konsumatur għandha tkun b’xejn mhijiex stabbilita fil-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, anke rigward l-informazzjoni prekuntrattwali. Madankollu, id-Direttiva 2007/64/KE (PSD) introduċiet żewġ obbligi intiżi biex jiżguraw l-eżerċizzju adatt tad-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni:
i. |
informazzjoni b’xejn: il-provveditur tas-servizz tal-ħlas ma jistax jiċċarġja lill-utent tas-servizz għall-provvista ta' ċertu għadd ta' biċċiet ta' informazzjoni; |
ii. |
nollijiet adatti għall-ispejjeż: fejn l-informazzjoni provduta ma tkunx b’xejn, in-nollijiet għandhom ikunu adatti u b’konformità mal-ispejjeż attwali tal-provveditur. |
7.5 Il-KESE jqis li d-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni għandu jiġu rikonoxxut matul il-perijodu sħiħ tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt u wara li jintemm, b’mod partikolari fil-każ ta' kuntratti li joħolqu obbligi kontinwi, li jkunu ta' tul medju/twil jew li jkollhom effetti fit-tul. Għad trid tiġi stabbilita informazzjoni b’xejn dwar aspetti fundamentali tal-kuntratt, flimkien mal-prinċipju tal-prezzijiet alinjati mal-ispejjeż f’każijiet oħra.
8. L-assistenza u l-obbligi tal-konsulenza
8.1 L-informazzjoni li tinħareġ mill-obbligu legali fuq il-professjonisti biex jipprovdu informazzjoni ħafna drabi tkun f’format imfassal minn qabel u mhux dejjem ikun biżżejjed sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni libera u infurmata dwar jekk għandu jtemm jew ikompli l-kuntratt. Għaldaqstant, id-dritt/l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni jinkorpora d-dritt/l-obbligu li jinkisbu/jiġu pprovduti spjegazzjonijiet rigward il-kontenut.
8.2 Id-dritt għall-assistenza għall-konsumatur, kif inhu stabbilit pereżempju fid-Direttiva 2008/48/KE (10) dwar il-kreditu lill-konsumatur, għandu jiġi estiż għall-kuntratti kollha tal-konsumaturi, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-oġġetti u s-servizzi li jservu fit-tul li joħolqu obbligi kontinwi, li jtulu għal perijodu medju/fit-tul, ikunu kumplessi jew iġibu magħhom riskji għas-saħħa jew is-sigurtà. L-informazzjoni mogħtija skont l-obbligu tal-assistenza lill-konsumatur għandha tingħata fuq talba tal-konsumatur li għandha tkun bil-miktub.
8.3 Il-KESE jenfasizza l-bżonn li ssir distinzjoni bejn id-dritt għall-assistenza, li naturalment jinbet mill-obbligu fuq il-professjonist biex jipprovdi l-informazzjoni, mid-dritt għal parir li jista’ jkun li l-professjonist jinħtieġ jagħtih biss fil-każ ta' prodotti jew servizzi speċifiċi li jkunu kumplessi, ta' valur għoli jew li jistgħu jolqtu s-saħħa jew is-sigurtà tal-konsumaturi.
9. Problemi u konsegwenzi oħra li jinħolqu minn nuqqas ta' informazzjoni
9.1 Wieħed min-nuqqasijiet ċari fid-direttivi, li għandu impatt fuq id-dmirijiet professjonali li tingħata l-informazzjoni, hija sensiela ta' sanzjonijiet bħala piena għal min ma jikkonformax. L-UE ħalliet dan il-kompitu f’idejn id-diversi Stati Membri, li għażlu għal firxa wiesgħa ta' konsegwenzi ċivili u penali, li jiġġeneraw distorsjonijiet fis-suq uniku li jkun ta' ħsara għall-konsumaturi u l-operaturi ekonomiċi.
9.2 Id-direttivi jistabbilixxu biss fi ftit każijiet speċifiċi li l-konsumaturi huma intitolati li jirtiraw minn kuntratt li jkun intemm miż-żmien li fih l-informazzjoni li suppost tkun ingħatat fil-fatt tingħata jew tkun magħrufa (11), jew li l-piż tal-prova li l-informazzjoni ngħatat jaqa’ fuq il-professjonisti, kif jiġri fl-informazzjoni prekuntrattwali fid-Direttiva 2006/123/KE (12) dwar is-servizzi fis-suq intern.
9.3 Il-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-bidu tal-perijodu tal-irtirar bħala d-data li fiha tkun ingħatat l-informazzjoni jew li l-konsumatur isir konxju tagħha, u l-allokazzjoni tal-piż tal-prova tal-għoti tal-informazzjoni lill-professjonist, huma l-garanziji fundamentali tal-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni, u flimkien mal-prinċipju tar-responsabbiltà għat-telf ikkawżat min-nuqqas ta' informazzjoni, li huwa diġà inkorporat f’bosta sistemi legali nazzjonali, għandhom il-konsegwenza naturali tar-rikonoxximent u l-importanza tad-dritt tal-konsumatur għall-informazzjoni, li għandu jiġi stabbilit b’mod ċar u universali fil-livell Komunitarju.
10. L-informazzjoni għall-konsumatur u l-ikkompletar tas-suq intern
10.1 Il-bidliet ta' dan l-aħħar fil-prospettivi għall-politika tal-ikkompletar tas-suq intern, b’rabta mal-linji gwida tal-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-Ewropa 2020, huma magħrufa sew.
10.2 Fit-testi kollha rilevanti, tingħata ħafna attenzjoni lill-fehma li l-konsumatur huwa l-fokus ċentrali u l-benefiċjarju veru ta' suq intern li tfassal bħala strument għal strateġija ta' żvilupp u tkabbir ekonomiku li huwa kruċjali biex tingħeleb il-kriżi attwali, b’ħafna aktar tħassib iktar għall-aspetti soċjali u għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali jew iċ-ċittadinanza. F’dan ir-rigward, it-titjib tal-informazzjoni għall-konsumatur ser ikun essenzjali biex il-konsumatur jerġa’ jibda jafda fis-Suq Uniku.
10.3 F’dan il-kuntest, hemm bżonn ċar li tiġi ggarantita informazzjoni korretta għall-konsumaturi fi ħdan suq intern imġedded, mgħammar għall-isfidi tas-seklu 21, sabiex tinkiseb il-fiduċja tagħhom u tiġi ggarantita l-kooperazzjoni kostruttiva min-naħa tagħhom. Din il-garanzija għandha ttajjar kull biża’ u d-dubji, l-inċertezza u r-riluttanza relatati mal-parteċipazzjoni iktar determinata fil-kummerċ transkonfinali.
10.3.1 Ir-regolazzjoni tal-komunikazzjoni kummerċjali online fil-livell Komunitarju bħalissa tinsab mifruxa f’diversi testi (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bejgħ bil-korrespondenza, protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet kummerċjali, prattiki kummerjali inġusti, eċċ.), u għalhekk għandha titħejja riforma sabiex ir-regoli eżistenti jinġabru f’test wieħed u jiġu evitati l-kontradizzjonijiet.
10.4 Dan huwa t-tħassib prinċipali ta' din l-opinjoni.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza (COM(2006) 194 finali) u l-opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett: ĠU C 324, 30.12.2006, p.74.
(2) Ara l-opinjoni tal-KESE: ĠU C 133, 6.6.2003, p.46. (mhux disponibbli bil-Malti)
(3) Ara l-opinjoni tal-KESE: ĠU C 133, 6.6.2003, p.1. (mhux disponibbli bil-Malti)
(4) Ara, iktar preċi¿ament, id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar on Prattiċi kummerċjali ¿leali, ĠU L 149, 11.6.2005, p.22; 98/7/KE dwar il-Kreditu lill-konsumatur, ĠU L 101, 1.4.1998, p.17 (mhux disponibbli bil-Malti); u l-proposta riċenti għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur COM(2008) 614 finali. (Opinjoni tal-KESE: ĠU C 317, 23.12.2009, p.54)
(5) Ara s-Sentenza tal-QEĠ – Ka¿ C-220/98, 13.01.2000, Estée Lauder Cosmetics kontra Lancaster Group u s-Sentenza tal-QEĠ – Ka¿ C-210/96, 16.06.1998, Gut Springenheide u Tusky. Ara wkoll is-Sentenza riċenti tal-QEĠ – Ka¿ C-278/08, 25.3.2010, BergSpechte Outdoor Reisen und Alpinschule Edi Kobimuller GmbH kontra Gunter Guni trekking at Reisen GmbH, fejn l-utenti tal-Internet huma deskritti bħala “informati b’mod normali u attenti b’mod raġonevoli” (paragrafi 35 and 39).
(6) Ara K. SIMITIS, “Verbraucherschultz – Schlagwort oder Rechtsprinzip?” p. 109.
(7) ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81. (opinjoni mhux disponibbli bil-Malti).
(8) COM(2008) 614 finali, Kapitolu II, Art.5(1) § 1.
(9) Opinjoni tal-KESE: ĠU C 317, 23.12.2009, p.54.
(10) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
(11) Bħal fil-każ tad-Direttiva 85/577/KEE li, wara li stabilixxiet l-eżistenza tad-dritt tal-irtirar fost id-dmirijiet fundamentali tal-informazzjoni, ma tipprovdi l-ebda piena jekk ma jiġix rispettat dan id-dritt. Skont il-każistika tal-QĠE, il-perijodu li fih il-konsumatur jista’ jirtira għandu jiġi estiż indefinitament, mill-mument meta l-konsumatur ikun infurmat b’mod adegwat. Ara l-każ tal-QĠE C-227/08, 17.12.2009, Eva Martín Martín, paragrafi 25 sa 29.
(12) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/68 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Trattat ta’ Lisbona u l-funzjonament tas-suq intern” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/12
Relatur: is-Sur PEGADO LIZ
Nhar it-18 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
It-Trattat ta' Lisbona u l-funzjonament tas-suq intern.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.
Matul l- 464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’129 vot favur, 2. voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 It-Trattat ta' Lisbona inizjalment kellu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009, iżda fil-fatt daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 ladarba ntemm il-proċess ta' ratifika mis-27 Stat Membru. Ta’ min jinnota li dan it-Trattat għadu kumpless u diffiċili biex jinfiehem.
1.2 L-istudju komparattiv li jagħmel parti mir-rapport ta' informazzjoni (CESE 241/2008) jippermetti li tinsilet il-konklużjoni li s-suq intern, għalkemm strutturalment ma nbidilx bit-Trattat ta' Lisbona l-ġdid, jidher li qiegħed jiddefinixxi lilu nnifsu b’mod iżjed soċjali. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta' dak li t-Trattat Kostituzzjonali seta’ jbeżża’ lil xi wħud permezz tal-espressjoni “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla”, it-Trattat ta' Lisbona jidher li jagħti lis-suq intern objettivi aktar soċjali billi jaħdem lejn “ekonomija soċjali tas-suq li xxaqleb lejn l-impjieg totali u l-progress soċjali”.
1.3 Barra minn hekk, jidher li t-testi magħrufa sal-lum il-ġurnata dwar il-linji gwida politiċi futuri tal-Kummissjoni u dwar l-Istrateġija 2020 u l-bosta dikjarazzjonijiet tal-Kummissarji u l-mexxejja politiċi fil-livell nazzjonali jridu jsegwu l-istess direzzjoni lejn dimensjoni tas-suq intern li gradwalment issir aktar qrib iċ-ċittadini.
1.4 Din id-dimensjoni ssaħħet ukoll permezz tar-referenza espliċita għas-setgħa legali vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li għandha “l-istess valur legali bħat-Trattati” però b’ċerti restrizzjonijiet f’xi Stati Membri.
1.5 Min-naħa l-oħra, il-proċess leġislattiv dwar is-suq intern ser ikun immarkat mill-intervent tal-parlamenti nazzjonali li huma mitluba jiżguraw li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, prinċipju li jirregola t-twettiq tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Permezz ta' żewġ Protokolli, wieħed dwar “ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali” u l-ieħor dwar “l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità”, għandhom il-possibbiltà li jitolbu li ssir reviżjoni ta' proposta leġislattiva fl-ewwel qari. Dan isaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika fil-proċess leġislattiv tal-Unjoni.
1.6 Jekk l-intervent preventiv tal-parlamenti nazzjonali jaħdem tajjeb, u jekk il-kontroll li jsir fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun wieħed effiċjenti u ta' kwalità tajba, b’mod li jappoġġja bis-sħiħ il-“mekkaniżmu ta' twissija bikrija”, li t-Trattat ta' Lisbona ħa mill-Kostituzzjoni, jista’ jagħti l-każ li l-Istati Membri ma jibqgħux jikkritikaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni bħala leġislazzjoni li tinterferixxi fuq il-kompetenzi nazzjonali u ċ-ċittadini Ewropej na jħossuhiex bħala marka ta' ċertu “ċentraliżmu minn Brussell”. Għal dan il-għan, jeħtieġ li l-parlamenti nazzjonali jsaħħu n-netwerking tagħhom peress li l-iskop u l-effiċjenza tal-“mekkaniżmu ta' twissija bikrija”, għalkemm huwa dritt individwali mogħti lil kull kamra, jiddependi mill-kapaċità li jkollhom il-parlamenti nazzjonali biex jorganizzaw ruħhom b’mod kollettiv.
1.7 It-Trattat ta' Lisbona jiġġeneralizza wkoll il-“proċedura leġislattiva ordinarja” (kodeċiżjoni skont l-Artikolu 251 KE) għas-suq intern, hekk kif jixhed b’mod partikolari l-Artikolu 48 tat-TFUE dwar il-miżuri meħtieġa għall-moviment liberu tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà soċjali.
1.8 B’hekk, it-Trattat ta' Lisbona jixtieq jiffaċilita l-iżvilupp tas-suq intern billi jiġġeneralizza aktar il-kodeċiżjoni li huwa jsejjaħ “proċedura leġislattiva ordinarja”, iżda huwa jżid sieħeb ġdid mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jiġifieri l-parlamenti nazzjonali li issa jridu jitqiesu għall-adozzjoni ta' kull miżura leġislattiva li tapplika għas-suq intern.
2. Introduzzjoni
2.1 Ir-rapport ta' informazzjoni dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq is-suq intern (1) li ġie adottat mis-Sezzjoni Speċjalizzata fit-13 ta' Ġunju 2008 ppropona studju komparattiv f’forma ta' tabella fejn jitqabblu d-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern fit-Trattat ta' Lisbona, it-Trattat KE, li dak iż-żmien kien għadu fis-seħħ, it-Trattat Kostituzzjonali (il-“Kostituzzjoni” li qatt ma ġiet irratifikata), u l-kummenti tal-Osservatorju tas-Suq Uniku dwar il-konsegwenzi legali tat-test adottat f’Lisbona fit-13 ta' Diċembru 2007.
2.2 Id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona inizjalment kienet prevista għall-1 ta' Jannar 2009, iżda l-pjan sfaxxa nhar it-12 ta' Ġunju 2008 meta l-Irlanda rrifjutat it-Trattat ta' Lisbona f’referendum.
2.3 Wara li l-Irlanda ngħatat garanzija dwar is-sovranità nazzjonali u ġiet assigurata dwar il-fatt li kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea ser jibqa’ jkollu l-kummissarju proprju tiegħu, it-Trattat ġie adottat permezz ta' referendum fit-3 ta' Ottubru 2009.
2.4 Id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Ċeka tat-3 ta' Novembru 2009, li ddikjarat li t-Trattat ta' Lisbona kien konformi mal-liġi fundamentali Ċeka, temmet id-dewmien fir-ratifika. Il-firma tal-President Vaclav Klaus temmet il-proċess ta' ratifika u t-Trattat fl-aħħar daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.
2.5 Iż-żmien li għadda bejn l-adozzjoni tar-rapport ta' informazzjoni tal-KtR u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, adottata fit-3 ta' Marzu 2010, illum wasslu sabiex il-Kumitat iqis li huwa opportun li r-rapport imsemmi hawn fuq isir opinjoni fuq inizjattiva proprja biex ikun jista’ jaġġornah u jippubblika l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett. Dan kollu huwa u jirrifletti fuq kwistjonijiet ġodda li ma ġewx indirizzati minħabba nuqqas ta' distakk suffiċjenti fir-rigward tat-test tat-Trattat li kellu problemi ta' leġġibbiltà u li l-aħħar verżjoni kkonsolidata tiegħu ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2010 (2).
3. Kummenti ġenerali
3.1 L-avvenimenti politiċi li kkaratterizzaw l-istorja tat-Trattat ta' Lisbona, mill-iffirmar mis-27 Stat Membru fit-13 ta' Diċembru 2007 sad-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Diċembru 2009, fil-biċċa l-kbira tagħhom ma bidlux id-dispożizzjonijiet dwar is-suq intern iżda kellhom b’mod prinċipali konsegwenzi istituzzjonali.
3.1.1 Fil-fatt, huwa u jieħu nota tat-tħassib tal-poplu Irlandiż kif espressi mill-Prim Ministru Irlandiż, il-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 stqarr li, sakemm it-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ, ser tittieħed deċiżjoni, b’konformità mal-proċeduri legali neċessarji, biex il-Kummissjoni tibqa’ tkun magħmula minn rappreżentant minn kull Stat Membru.
3.1.2 Il-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009 ta lill-Irlanda garanziji legalment vinkolanti, iżda li la għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri l-oħra, u lanqas fuq il-kontenut u l-applikazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, li ċerti suġġetti (bħat-taxxa, id-dritt għall-ħajja, l-edukazzjoni, il-familja, u l-politika ta' newtralità militari) mhux ser jintlaqtu mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.
3.1.3 Barra minn hekk, dan il-Kunsill Ewropew adotta Dikjarazzjoni solenni dwar l-importanza tad-drittijiet tal-ħaddiema u tas-servizzi pubbliċi.
3.2 Id-dewmien tar-Repubblika Ċeka biex tirratifika t-Trattat ma kellux konsegwenzi immedjati fuq it-Trattat ta' Lisbona. Fil-fatt, kif qablu l-Istati Membri matul il-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta' Ottubru 2009, il-protokoll għat-trattat ta' adeżjoni li jmiss ser jeskludi lir-Repubblika Ċeka, flimkien mar-Renju Unit u l-Polonja, mill-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
3.3 Ir-rapport ta' informazzjoni dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-funzjonament tas-suq intern u l-annessi tiegħu għadhom validi u jistgħu jservu ta' bażi għal din l-opinjoni bħala analiżi legali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali ta' din l-opinjoni.
3.4 F’dan ir-rigward ta' min ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona huwa test kumpless anke fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu. Il-qari u l-komprensjoni tiegħu huma diffiċli, anke għal avukati speċjalizzati, għaliex huwa r-riżultat ta' sensiela ta' emendi għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE) li sar it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li jipprevedi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mit-TFUE.
3.5 Minħabba li dakinhar tar-ratifika t-test ikkonsolidat uffiċjali ma kienx disponibbli, l-Istati Membri rratifikaw test li ma kienx ċar, diffiċli biex jinqara u fejn il-biċċa l-kbira tal-“mekkaniżmi” ġodda ta' deċiżjoni ma kinux definiti tajjeb, ħlief fil-protokolli tat-Trattat u li l-effettività tagħhom kienet għadha ma ġietx ittestjata.
3.6 Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-Trattat Kostituzzjonali, it-test li ġie ffirmat f’Lisbona ma tressaqx għal konsultazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni u lanqas mill-parlamenti nazzjonali jew reġjonali jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali. Huwa biss wara li ġie rratifikat it-Trattat li l-Kummissjoni u l-Kunsill iddeċidew li jippubblikaw dokumenti ta' informazzjoni u ta' spjegazzjoni tal-kontenut u tal-vantaġġi tat-Trattat il-ġdid, għall-kontra ta' dak li kien sar għall-“Kostituzzjoni”.
3.7 It-Trattat ta' Lisbona dar lura għall-metodu li jemenda t-trattati eżistenti fil-qafas ta' Konferenza Intergovernattiva (KIG) magħmula biss mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, filwaqt li l-“Kostituzzjoni” tfasslet fil-qafas ta' Konvenzjoni magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn membri parlamentari nazzjonali inklużi dawk mill-Istati Membri futuri tal-2004 u l-2007, membri parlamentari Ewropej, rappreżentanti mill-ħmistax-il Stat Membru u mit-tnax il-Stat Membru kandidat ta' dak iż-żmien, kif ukoll mit-Turkija, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fosthom il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala osservaturi.
3.8 Għaldaqstant, it-Trattat ta' Lisbona juri b’mod ċar li l-Istati Membri ħadu lura r-responsabbiltà f’idejhom meta mqabbla mal-Kostituzzjoni, li kienet ta' natura aktar federalista. Din il-bidla fil-poter toħroġ fid-dieher b’mod partikolari fit-tneħħija tas-simboli li l-Kostituzzjoni introduċiet, simboli li setgħu jagħtu x’jifhmu li kien qed jinħoloq Stat federali (bandiera, innu, munita, l-għażla tad-9 ta' Mejju bħala l-ġurnata tal-Ewropa).
3.9 It-Trattat ta' Lisbona jgħaqqad flimkien it-tliet pilastri billi jagħti l-istess valur legali lit-TUE u lit-TFUE (3). Barra minn hekk, l-Unjoni kisbet personalità ġuridika billi ssostitwixxiet u saret is-suċċessur tal-Komunità Ewropea, mentri li sad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kienet biss il-Komunità Ewropea li kellha personalità ġuridika.
3.10 Il-primat tal-liġi tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri ddaħħlet mill-ġdid fl-Artikolu I-6 tat-Trattat Kostituzzjonali fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Sabiex tintemm il-polemika li qamet minħabba l-fatt li l-prinċipju tal-primat iddaħħal fil-Kostituzzjoni, b’riflessjoni tal-każistika eżistenti tal-Qorti, il-prinċipju tal-primat jinsab fid-Dikjarazzjoni Nru 17. Il-Konferenza ddeċidiet li tehmeż mat-Trattat ta' Lisbona l-opinjoni mħejjija mis-Servizz Legali tal-Kunsill dwar il-primat, filwaqt li tfakkar is-sors ġurisprudenzali tal-prinċipju tal-primat u l-valur tiegħu bħala prinċipju fundamentali.
3.11 It-Trattat ta' Lisbona jimmodifika l-istatut legali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li ġiet ipproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000 f’Nizza. Fil-fatt, matul is-Summit ta' Nizza ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar in-natura legalment vinkolanti tal-Karta u għaldaqstant baqgħet dikjarazzjoni tal-prinċipju mingħajr valur legali kkonfermat.
3.11.1 Min-naħa l-oħra, jidher li l-Karta kisbet setgħa legali vinkolanti b’riżultat tal-integrazzjoni tagħha fil-Kostituzzjoni. Peress li din ma ġietx irratifikata, in-natura legalment vinkolanti tal-Karta prattikament baqgħet teoretika (4). It-Trattat ta' Lisbona jikkoreġi din is-sitwazzjoni, iżda ma jinkorporax il-progress kollu li kisbet il-Kostituzzjoni (5).
3.11.2 Fil-fatt, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif emendat mit-Trattat ta' Lisbona jipprevedi li l-Karta għandha “l-istess valur legali bħat-Trattati”; dan ifisser li l-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta. L-istess obbligi jiġu imposti fuq l-Istati Membri (il-gvernijiet, l-amministrazzjonijiet, il-ġurisdizzjonijiet) ladarba jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.
3.11.3 Madankollu, il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit jiddikjara li l-Karta ma testendix il-fakultà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mal-Karta.
3.11.4 Dan il-Protokoll jispeċifika wkoll li t-Titolu IV tal-Karta dwar id-drittijiet soċjali u s-solidarjetà ma joħloqx drittijiet applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu ipprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.
3.11.5 Fl-aħħar, dan il-protokoll jiddikjara li l-Karta tapplika biss għall-Polonja jew għar-Renju Unit sakemm id-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki ta' dawn l-Istati Membri.
3.11.6 Fil-prattika, l-ambitu ta' dawn il-protokolli ser ikun limitat wisq: abbażi tal-prinċipju tal-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni, għandha tiġi rrispettata fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant jekk sentenza tal-Qorti kellha tirreferi jew toħroġ interpretazzjoni tat-Titolu IV tal-Karta, il-qrati tar-Renju Unit jew tal-Polonja jkollhom jirrispettawha, irrispettivament jekk ikunu intervenew fil-proċeduri jew le.
3.12 It-Trattat jinkludi l-possibbiltà provduta fil-Kostituzzjoni biex Stat Membru jiddeċiedi li volontarjament joħroġ mill-Unjoni (Artikolu 50 tat-TUE). Fid-dawl tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, l-Unjoni tinnegozja u tikkonkludi ftehim ma' dak l-Istat biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ mill-Unjoni filwaqt li jitqies il-qafas għar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni.
3.13 Id-deċiżjoni li Stat joħroġ volontarjament mill-Unjoni m’għandhiex tiġi konfuża mal-azzjoni li jitwaqqaf id-dritt għal sħubija fl-UE kontra Stat Membru li jkun kiser b’mod serju u persistenti l-valuri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE (ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, eċċ.) (6).
4. Kummenti partikolari
4.1 Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil ċerti aspetti partikolari ta' natura politika u ekonomika li nħolqu sadanittant minħabba l-iżvilupp tal-politika tas-suq uniku taħt it-termini tat-Trattat il-ġdid, bħall-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-“Kummissjoni Barroso II”.
4.2 Ta’ min ifakkar li, f’Novembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni importanti dwar “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”, wara riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Settembru 2007 li sejħet għar-“Reviżjoni tas-Suq Wieħed: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar”. Din tennet l-idea ta' “viżjoni ġdida” għal suq uniku “li jagħmel aktar biex ikabbar it-tweġiba Ewropea quddiem il-globalizzazzjoni, biex joħloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, biex jiżgura prezzijiet ġusti u biex jikkontribwixxi għall-ħarsien soċjali u ambjentali”. F’żewġ opinjonijiet (7), il-KESE fakkar il-pożizzjoni tiegħu li s-suq uniku minn dejjem kien għodda għas-servizz taċ-ċittadini, il-professjonijiet liberali, il-ħaddiema u l-konsumaturi kollha.
4.3 F’Komunikazzjoni tas-6 ta' Novembru 2008 (8), il-Kummissjoni wriet li l-vantaġġi tas-suq uniku kienu marbutin mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva. Fir-rapport tagħha dwar il-progress tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), il-Kummissjoni sejħet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jikkooperaw mill-qrib ħalli tinkiseb kunfidenza reċiproka fis-sistemi tagħhom (9).
4.4 Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (10), il-Kummissjoni identifikat numru ta' nuqqasijiet fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tas-suq uniku b’mod partikolari minħabba li r-regoli mhumiex applikati korrettament u m’hemmx kontroll fl-infurzar tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li jittieħdu miżuri konkreti u komplementari għal dawk tal-Istati Membri fil-kuntest ta' approċċ ibbażat fuq is-sħubija.
4.4.1 Fost il-miżuri rakkomandati hemm it-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-konformità tar-regoli, il-promozzjoni tal-metodi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, l-evalwazzjoni regolari tal-leġislazzjoni nazzjonali u l-informazzjoni liċ-ċittadini u l-intrapriżi dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern.
4.5 Il-kriżi finanzjarja malajr infirxet, b’mod partikolari fl-Ewropa, u ħolqot konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li kienu kemm mhux mistennija kif ukoll imprevidibbli, bħalma l-Kumitat kellu l-okkażjoni jenfassiza. Din wasslet għall-aktar reċessjoni profonda mis-snin 30 b’aktar minn 23 miljun persuna qiegħda (11), livell ta' qgħad li qatt ma kien hemm bħalu mit-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit qabel it-tiġdid tal-mandat tiegħu u wara li inkariga lill-“Grupp de Larosière” (12) biex iħejji studju fir-reqqa dwar il-kawżi u l-miżuri neċessarji sabiex tiġi miġġielda din il-kriżi, il-Kummissjoni ħasset il-bżonn li tiddefinixxi linji gwida politiki ġodda għall-futur, f’din il-klima ekonomika, soċjali u finanzjarja ġdida.
4.6 Kien għal dan il-għan li fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss, il-President Barroso ddefinixxa l-linji gwida prinċipali ta' suq uniku adattat għas-seklu 21, waqt li kkundanna t-tentattivi li l-kriżi tintuża bħala pretest biex jiġi attakkat l-iżvilupp tas-suq uniku u terġa’ tiġi ddikjarata d-difiża tal-Kummissjoni bħala “l-pedament tat-Trattati” u “l-aħjar garanzija tal-prosperità fuq perijodu fit-tul”, sakemm ikun adattat għall-“isfidi tal-ekonomija ta' għada”. F’dan il-kuntest, huwa għaqli li jiġi enfasizzat li l-objettiv li s-suq intern jerġa’ jingħata spinta ’l quddiem bħala mutur fundamentali tal-ekonomija Ewropea jista’ jinkiseb biss jekk politika attiva li tiddefendi l-konsumatur jirnexxilha tagħti liċ-ċittadini l-kunfidenza meħtieġa sabiex jipparteċipaw totalment fis-suq uniku.
4.6.1 Fl-istess ħin, il-President tal-Kummissjoni inkariga lis-Sur Mario Monti, eks membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-suq intern, bil-missjoni li jipprepara rapport dwar ir-rilanċ tas-suq uniku, liema rapport ġie ppreżentat fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa, fil-Parlament Ewropew. Wara li joħroġ fid-dieher id-diffikultajiet ewlenin li jiffaċċja s-suq uniku, ir-rapport jipproponi inizjattivi bil-għan li jsaħħu s-suq uniku filwaqt li jikkunsidra konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali. Fl-istess ġurnata ġie ppreżentat quddiem il-Kunsill Ewropew rapport ieħor intitolat “Proġett għall-Ewropa 2030, Sfidi u Opportunitajiet” tal-grupp ta' riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa, ippresedut mill-eks Prim Ministru Spanjol, Felipe González. Dan ir-rapport jiffoka l-iżjed fuq il-perspettivi tal-governanza ekonomika Ewropea fil-perijodu medju u jirreferi wkoll għar-rwol deċiżiv tat-tisħiħ u t-twettiq tas-suq uniku għall-ħolqien ta' “sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ: ftehim ġdid għas-suq uniku”. Il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-governanza ekonomika żgur li ser iħallu impatt deċiżiv fuq il-futur tas-suq uniku.
4.7 L-istrateġija li tissostitwixxi dik ta' Lisbona, li l-implimentazzjoni tagħha kienet falliment parzjali, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' dawn il-linji gwida politiċi ġodda. Madankollu, l-Istrateġija “Ewropa 2020” ma tidhirx li qiegħda tagħti wisq importanza lis-suq uniku ħlief għal xi linji fil-kapitolu ddedikat għal-“Lakuni u diffikultajiet”, li juri nuqqas fl-entużjażmu għas-suq uniku.
4.7.1 Sabiex tiġi rimedjata din id-diffikultà tas-suq uniku, il-Kummissjoni ħabbret li ser tipproponi leġislazzjoni aħjar, b’mod partikolari li tipprijoratizza l-użu usa’ tar-regolamenti aktar milli tad-direttivi, li l-leġislazzjoni tiġi adattata għall-era diġitali u li jsir progress lejn liġi Ewropea tal-kuntratti b’valur fakultattiv, b’mod partikolari fil-qasam tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Matul is-seduta tiegħu quddiem il-Parlament Ewropew, iżda fuq kollox fid-dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu f’Pariġi, il-Kummissarju Michel Barnier, responsabbli għas-suq uniku, insista fuq il-bżonn li l-individwu jiġi rikonċiljat mas-suq inġenerali, li għandu jkun għas-servizz tal-proġett soċjali. Bħalma tenfasizza l-Kummissarju Viviane Reding, is-suq uniku jibqa’ “l-ġojjelli tal-kuruna” tal-Unjoni Ewropea (13).
4.8 Fl-istess ħin, l-inizjattiva taċ-ċittadini, introdotta bl-Artikolu 11(4) tat-TUE u li kienet is-suġġett ta' analiżi profonda mill-Kumitat (14), tista’ tħalli konsegwenzi kbar fuq l-iżvilupp futur tas-suq intern.
4.8.1 Fil-fatt, dan l-istrument ta' parteċipazzjoni miċ-ċittadini jiftaħ triq ġdida sabiex jinbdew suġġetti essenzjali għas-soċjetà ċivili li kienu għadhom ma ġewx ittrattati s’issa, minħabba nuqqas ta' interess jew rieda politika min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji (l-istatut tal-Fondazzjoni Ewropea (15), l-azzjonijiet tal-grupp fil-livell Ewropew (16), id-dritt Ewropew għal strajk, eċċ.).
5. Kummenti speċifiċi
5.1 L-osservazzjonijiet tar-rapport ta' informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet relatati mas-suq intern li jinsabu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jibqgħu japplikaw (ara pereżempju punt 6.a).
5.2 Fost is-sebgħa u tletin protokoll mehmużin mat-Trattat ta' Lisbona, erbgħa għandhom impatt ftit jew wisq dirett fuq is-suq intern.
— |
L-ewwel nett, il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, għax dawn tal-aħħar għandhom tendenza li jiġu applikati fil-kuntest tal-kompetenzi maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Is-suq intern jagħmel parti mill-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi. |
— |
Il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni wkoll ser iħalli impatt fuq is-suq intern. Fi ftit kliem, jipprevedi li s-suq intern jinkludi sistema li tassigura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. |
— |
Il-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi ser iħalli impatt fuq is-suq intern għall-istess raġunijiet tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. |
— |
Il-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali bla dubju ta' xejn ukoll ser jaqdi rwol fis-suq intern. Dan jippreċiża li dawn is-servizzi jagħmlu parti mill-valuri komuni tal-Unjoni u jinsisti fuq il-poter ta' diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-proviżjoni, il-kummissjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Jiġġustifika wkoll id-diversità u d-differenzi eventwali fil-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-utenti minħabba raġunijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali. Fl-aħħar jinsisti fuq il-promozzjoni tal-aċċess universali u l-livell għoli f’termini ta' kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi kif ukoll tad-drittijiet tal-utenti. L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26 huwa innovativ peress li għall-ewwel darba jikkwota fil-liġi primarja s-“servizzi non-ekonomiċi ta' interess ġenerali” u jiggarantixxi l-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu, jikkummisjonaw u jorganizzaw dawn is-servizzi. |
5.3 Żewġ dikjarazzjonijiet jistgħu jħallu impatt impatt fuq is-suq intern. Id-Dikjarazzjoni Nru 18 dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi li tgħid li fis-sistema ta' tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif prevista fit-Trattati, il-kompetenzi kollha li mhumiex mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri u li, fil-qafas tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom sakemm l-Unjoni ma teżerċitax, jew iddeċidiet li tieqaf teżerċita, il-kompetenza tagħha.
5.3.1 Filfatt, l-attribuzzjoni tal-kompetenzi lill-Komunità malajr ixxebħet mill-Qorti ma' trasferiment ta' kompetenzi min-naħa tal-Istati Membri lill-istituzzjonijiet Komunitarji, bħalma turi s-sentenza Costa vs ENEL tal-1964 li ddefinixxiet lill-Komunità Ekonomika Ewropea bħala “Komunità b’dewma illimitata, bl-istituzzjonijiet tagħha … u b’mod aktar partikulari b’poteri veri li ġejjin minn limitu ta' kompetenzi jew ta' trasferiment ta' attribuzzjonijiet tal-istati lill-Komunità …” (Aff. 6/64 ECR 1141).
5.3.2 Fl-aħħar, id-Dikjarazzjoni Nru 42 tispeċifika li fl-applikazzjoni ta' każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta' attribuzzjoni tal-kompetenzi m’għandux iservi ta' bażi għat-twessigħ tal-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni lil hinn mill-qafas ġenerali maħluq mid-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattati.
6. Il-konsegwenzi prinċipali fuq il-politika tas-suq intern
6.1 Fir-rigward tal-emendi speċifiċi introdotti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati mal-politika tas-suq intern, irid jiġi enfasizzat dan li ġej:
a) |
Is-sostituzzjoni tal-kliem “suq komuni” b’“suq intern” turi l-bidla kwalitattiva ta' suq komuni lejn suq intern, li tippermetti li jiġu ċċarati l-kunċetti dottrinali kontroversjali u għalhekk issaħħaħ l-idea li l-UE mhijiex biss suq ħieles fis-sens purament ekonomiku ta' żona ta' kummerċ ħieles iżda pjuttost suq intern għaċ-ċittadini (Artikolu 26 tat-TFUE) (17). |
b) |
Fir-rigward tat-tisħiħ u definizzjoni aktar iddettaljata tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jista’ jiġi nnutat li l-preferenza tad-direttivi fuq ir-regolamenti li tidher fil-Protokoll Nru 30 tat-Trattat KE tneħħiet mill-Protokoll Nru 2 tat-Trattat ta' Lisbona. |
c) |
Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-parlamenti nazzjonali ingħataw kważi dritt ta' “veto” mfisser bħala terz tal-voti kollha attribwiti lill-parlamenti nazzjonali. Barra minn hekk, parlament nazzjonali jista’ jopponi inizjattiva leġislattiva fil-qasam tal-liġi tal-familja (Artikolu 81 tat-TFUE). |
d) |
Il-Parlament Ewropew ingħata poteri ġodda permezz tal-estensjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, li ġiet imsejħa “proċedura leġislattiva ordinarja”. Tpoġġa’ fuq l-istess livell tal-Kunsill fil-kwistjonijiet baġitarji u jeleġġi l-president tal-Kummissjoni. Fit-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew ġie definit bħala li huwa magħmul minn rappreżentanti “taċ-ċittadini tal-Unjoni” filwaqt li t-Trattat tal-KE jirreferi għal “rappreżentati tal-popli tal-Istati”. |
e) |
Proċedura ta' kodeċiżjoni (proċedura leġislattiva ordinarja) b’sistema ġdida ta' maġġoranza kwalifikata tal-voti fil-Kunsill (18) ser tiġi applikata għal numru ta' oqsma ġodda. |
f) |
L-Istati Membri neħħew mill-objettivi tal-Unjoni r-referenza għal “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla”. Il-politika tal-kompetizzjoni ġiet riformulata bħala għodda “meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern” filwaqt li b’wieħed mill-objettivi tal-Unjoni jkun “suq intern fejn il-kompetizzjoni hija libera u mhux imxekkla” wassal biex it-Trattat Kostituzzjonali jqajjem ċertu biża’ fost xi wħud. |
g) |
Konsiderazzjoni ġdida tal-interessi tal-konsumaturi u tal-SMEs – li wasslet għall-“pakkett” Viżjoni Ġdida u l-Komunikazzjoni bit-titlu “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (19). |
h) |
Kunċett ġdid tas-servizzi ta' interess ġenerali (l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26) li jikkjarifika r-responsabbiltajiet tal-Unjoni u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali eżaminati mill-Komunikazzjoni “Is-servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” (20) li tipproponi li jiġi kkonsolidat il-qafas tal-UE tas-SIĠ. |
i) |
Aktar tħassib dwar l-integrazzjoni tal-aspetti soċjali tal-implimentazzjoni tas-suq intern (ġlieda kontra l-esklużjoni jew id-diskriminazzjoni, promozzjoni tal-ġustizzja u tal-protezzjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal) b’rabta mal-Komunikazzjoni “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà: lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-seklu 21” (21). |
j) |
It-Trattat ta' Lisbona jinkludi innovazzjonijiet billi jestendi l-possibbiltà li jinbdew kooperazzjonijiet imsaħħa għall-azzjoni kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-qasam rilevanti tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni (Artikolu 20 tat-TUE), sakemm minn tal-inqas 9 Stati Membri jipparteċipaw fiha (ikun xi jkun in-numru tal-Istati Membri). Dan ġej mid-deċiżjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (Artikolu 329(1) tat-TFUE) u għalhekk jista’ jolqot lis-suq intern, lis-suq tal-enerġija, il-politika tal-immigrazzjoni u l-protezzjoni ċivili, b’mod partikolari. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) CESE 241/2008 - INT/393 (mhux ippubblikat fil-ĠU).
(2) ĠU C 83, 30.03.2010 – Minn issa ’l quddiem kull referenza għat-Trattat ta' Lisbona tirreferi għal din il-verżjoni kkonsolidata.
(3) Artikolu 1(3) tat-TUE: it-TUE u t-TFUE għandhom l-istess valur filwaqt li, fit-13 ta' Settembru 2005, f’deċiżjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, il-każistika tal-Qorti rrikonoxxiet il-primat tat-Trattat KE fuq it-TUE.
(4) Madankollu, għalkemm il-Karta mhijiex legalment vinkolanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta' spiss tirreferi għaliha. Ara b’mod partikolari l-każ reċenti: is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta' Frar 2008, Kawża C-244/06 Dynamic Medien Vertriebs GmbH vs. Avides Media AG, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Qorti tirreferi għall-Artikolu 24(1) tal-Karta li jistipula li t-tfal għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom (punt 41 tas-sentenza). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta' Frar 2008, Kawża C-450/06, Varec SA vs. l-Istat Belġjan, dwar id-dritt ta' stabbilment. Il-Qorti tikkwota l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (punt 48 tas-sentenza).
(5) Id-Dikjarazzjoni Nru 11 tal-abbozz tat-Trattat ta' Lisbona tat-23.07.2007 (KIG 3/07) ipprevediet li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ser tiġi pproklamata b’mod solenni mit-tliet istituzzjonijiet dakinhar li jiġi ffirmat it-Trattat ta' Lisbona, iżda ma stqarret xejn dwar il-valur legalment vinkolanti.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġiet ipproklamata għat-tieni darba mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE fit-12.12.2007 fi Strasburgu. Din it-tieni proklamazzjoni kienet meħtieġa għax żdiedu spjegazzjonijiet u noti f’qiegħ il-paġna wara l-ewwel proklamazzjoni f’Diċembru 2000 matul is-Summit ta' Nizza.
(6) L-Artikolu 7 tat-TUE jipprevedi żewġ dispożizzjonijiet distinti li japplikaw f’każ ta' “riskju ċar ta' ksur serju” u għal “ksur serju u persistenti”.
(7) ĠU C 77, 31.03.2009, p. 15 u ĠU C 182, 04.08.2009, p. 1.
(8) COM(2008) 703 finali.
(9) Ara l-opinjoni tal-KESE, ĠU C 128, 18.05.2010, p. 103.
(10) Rakkomandazzjoni 2009/524/KE: ara r-Riżoluzzjoni importanti tal-PE tad-09.03.2010 (Dok. A7-0064/2009).
(11) Skont l-aħħar statistika tal-Eurostat.
(12) Il-KESE ħareġ opinjoni dwar ir-Rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.
(13) Diskors li ntqal matul il-Jum tal-Konsumaturi f’Madrid nhar il-15 ta' Marzu 2010“An ambitious Consumer Rights Directive: boosting consumers’ protection and helping businesses” (Direttiva ambizzjuża tad-Drittijiet tal-Konsumaturi: insaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi u ngħinu lin-negozji).
(14) Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini” (CESE 465/2010, SC/032) fejn ġie analizzat u saru kummenti dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni (COM(2009) 622 finali, 11.11.2009), u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-presidenzi tal-Kunsill tal-UE” (CESE 464/2010, SC/032); ara wkoll ir-Riżoluzzjoni importanti tal-PE dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini tas-7 ta' Mejju 2009 (Doc A6-0043/2009).
(15) Opinjoni fuq inizjattiva proprja CESE 634/2010, INT/498.
(16) ĠU C 162, 25.06.2008, p. 1 u ĠU C 128, 18.05.2010, p. 97.
(17) Il-Qorti kienet diġà kkonfermat, fil-5 ta' Mejju 1982 fis-sentenza Schul, każ 15/81, li s-suq komuni, sempliċi żona ta' kummerċ ħieles, jippreċedi s-suq intern. Is-suq intern għalhekk jinvolvi livell ogħla ta' integrazzjoni ekonomika.
(18) Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji.
(19) COM(2007) 724 finali, SEC(2007) 1517, 1518, 1519, 1520 u 1521.
(20) COM(2007) 725 finali, SEC(2007) 1514, 1515 u 1516.
(21) COM(2007) 726 finali.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/13
Relatur: is-Sinjura GAUCI
Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-innovazzjoni fit-turiżmu: niddefinixxu strateġija għal żvilupp sostenibbli fil-gżejjer.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, vot wieħed kontra u 13-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu żviluppati programmi kontinwi ta’ tagħlim tul il-ħajja speċifikament għal persunal tal-gżejjer li jaħdem fis-settur tat-turiżmu. Għal dan il-għan għandhom jiġu allokati fondi speċifiċi mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-fondi ta’ koeżjoni. Qafas adegwat dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol biex jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità u miżuri għall-appoġġ tal-intraprendituri (netwerks, marketing, promozzjoni, …) għandu jgħin biex jitrawwem it-turiżmu fil-gżejjer.
1.2 B’mod simili, u billi nżommu quddiem għajnejna l-importanza dejjem tikber tar-riservazzjonijiet għall-ivvjaġġar u għat-turiżmu li qed isiru bl-internet, kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju fis-settur tat-turiżmu (tal-gżejjer) għandhom jingħataw jew taħriġ appoġġjat mill-UE jew aċċess semplifikat għall-fornituri tas-servizzi adegwati biex jiżviluppaw preżenza fuq l-internet li tirnexxi, mingħajr ir-riskju li jitilfu l-konsumaturi “moderni” tagħhom.
1.3 Il-KESE jipproponi li titwaqqaf skola interreġjonali, li tippromovi kunċett simili għal dak ta’ “Erasmus għal studenti u ħaddiema fis-settur tat-turiżmu”, fi gżira li għandha pożizzjoni strateġika.
1.4 Għalkemm in-negozju, u speċjalment in-negozju żgħir, igawdi meta jkun hemm inqas leġislazzjoni u meta l-leġislazzjoni tkun aħjar, għandu jiġu kkunsidrat it-twaqqif ta’ awtorità amministrattiva speċifika fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea eż. Direttorat Ġenerali għat-Turiżmu. It-turiżmu jgħodd għal bejn 11-12 % tal-PDG tal-UE, iżda jilħaq il-25 % tal-PDG fi gżejjer bħal Malta. Il-KESE jħares lejn din l-awtorità għat-turiżmu tal-Kummissjoni bħala l-għassies tal-interessi tat-turiżmu (tal-gżejjer) fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-politiki tal-UE. F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppropona t-twaqqif ta’ Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu - hawnhekk il-Kumitat qed itenni din il-proposta.
1.5 Minħabba n-natura tagħhom, il-gżejjer għandhom żvantaġġ meta mqabblin mat-terraferma: id-distanza, l-aċċessibbiltà u l-fatt li huma mdawrin bil-baħar. Il-KESE jemmen li għandu jinstab reġim fiskali favorevoli li jkun iqis l-isforzi speċjali li saru għall-investimenti, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, l-adattament tal-perijodi li matulhom ikunu miftuħin in-negozji, kollha bl-intenzjoni li jittaffew l-effetti tal-istaġunalità.
1.6 Id-definizzjoni tal-UE ta’ x’inhuma gżejjer xi drabi mhijiex adegwata, u ta’ sikwit tkun ta’ xkiel biex jinstabu soluzzjonijiet. Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1) rrakkomandaw li din id-definizzjoni tinbidel.
1.7 L-Unjoni Ewropea qed tiżviluppa kunċett ġdid fil-politika reġjonali, li jista’ jissejjaħ il-kooperazzjoni makroreġjonali (eż. l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku - l-Istrateġija tad-Danubju). Il-KESE huwa persważ li dan il-kunċett huwa wieħed interessanti u li jista’ jiġi applikat għal gruppi ta’ gżejjer. Għaldaqstant strateġija makroreġjonali għall-gżejjer tal-Mediterran tal-Punent għandha ttaffi wħud mill-problemi ta’ aċċessibbiltà li dawn qed jgħaddu minnhom.
1.8 Il-KESE huwa favur u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-programm CALYPSO dwar it-turiżmu soċjali. Il-KESE jemmen li wara l-azzjonijiet ta’ tħejjija li bdew fl-2009, għandu jsir programm sħiħ. Il-KESE jirrakkomanda li l-programm CALYPSO jiġi integrat fl-istrateġija makroreġjonali futura li tinkludi r-reġjun tal-Mediterran tal-Punent.
2. Daħla
2.1 It-turiżmu jagħti kontribut importanti, u li qiegħed dejjem jikber, lit-tkabbir ekonomiku u, f’xi każijiet estremi, jgħodd sa 70 % tal-PDG ta’ gżira. Huwa jirrappreżenta waħda mill-aħjar opportunitajiet għall-ħolqien tad-dħul u tal-impjiegi. Filwaqt li l-proporzjon tat-turiżmu fl-Ewropa meta mqabbla mal-bqija tad-dinja qiegħda tonqos, l-ammont ta’ turisti li jaslu fl-UE huwa mistenni li jikber. Madanakollu, ma nistgħux nistennew li t-tkabbir tat-turiżmu jsir fiż-żgur, kif uriet biċ-ċar il-kriżi finanzjarja tal-2008-2009.
2.2 Qegħdin jiżviluppaw suriet ġodda ta’ turiżmu li qed jieħdu post it-turiżmu tradizzjonali tal-massa tal-baħar u x-xemx. Dawn jinkludu tipi ta’ turiżmu aktar innovattivi u forom speċjalizzati ta’ turiżmu “aktar ekoloġiku” u orjentat lejn l-“esperjenza”. Barra minn hekk, iż-żieda fid-domanda għat-turiżmu, kif ukoll il-bidliet demografiċi (bħall-għadd dejjem jikber ta’ vjaġġaturi ta’ età avvanzata) qed iżidu l-pass li bih qed jiġu segmentati il-prodotti tat-turiżmu u tal-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ prodotti tat-turiżmu li jinkludu livell għoli ta’ servizzi ġodda.
2.3 L-innovazzjoni hija aspett ewlieni tal-politika ekonomika, kemm fil-livell tal-UE (bl-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Istrateġija UE2020), kif ukoll fil-livell reġjonali, b’investiment pubbliku dejjem jikber fir-riċerka, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ tal-“aktar setturi innovattivi” (eż. it-trasport, l-enerġija, l-industriji ekoloġiċi). Dan jgħodd ukoll għas-servizzi, speċjalment dawk li jeħtieġu livell ta’ għarfien jew kwalifiki li hu meqjus bħala tipiku għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tat-turiżmu (eż. akkomodazzjoni, ikel, il-proprjetà).
2.4 It-turist tal-lum qed ifittex l-aqwa kwalità għall-orħos prezz. Għalhekk it-turiżmu tal-gżejjer jeħtieġ mhux biss persunal kwalifikat, iżda impenn mill-ħaddiema u minn dawk li jħaddmu lejn tagħlim tul il-ħajja biex jinżammu standards għoljin ta’ servizz fid-dinja li tinbidel malajr tal-vjaġġatur li jqis bir-reqqa u jistenna ħafna. Wieħed mill-prerekwiżiti għal turiżmu ta’ kwalità huwa li jiġi żgurat li n-nies ikunu mħarrġin u kkwalifikati tajjeb.
2.5 Wieħed mill-oqsma ewlenin ta’ bidla u innovazzjoni fit-turiżmu huwa marbut mal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Permezz tal-preżenza kontinwa tal-ICT u tal-internet fl-industrija tat-turiżmu, il-konsumaturi jkunu jistgħu jinteraġixxu direttament ma’ dawk li jipprovdu s-servizzi. Għas-settur kollu kemm hu, dan jista’ jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż (tat-transazzjonijiet), li wara jwassal ukoll għal proċess ta’ tnaqqis ta’ intermedjarji bħall-aġenziji tal-ivvjaġġar jew saħansitra l-operaturi tat-tours. Innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-ivvjaġġar tal-massa, bħall-fatt li feġġew il-linji tal-ajru rħas (low-cost), influwenzaw bil-bosta t-tkabbir u t-tkomplija tal-iżvilupp tal-industrija tat-turiżmu.
2.6 Iżda għad fadal diversi kwistjonijiet għall-gżejjer. Ġeneralment il-gżejjer jibqgħu lura meta mqabbla mal-artijiet li mhumiex imdawwra bil-baħar. Barra minn hekk, ħafna minn dawn it-teknoloġiji u l-proċessi ġodda mhumiex ikkontrollati, manifatturati jew saħansitra miżmuma min-negozji li huma milquta minnhom direttament.
2.7 L-awtoritajiet tal-gżejjer qed jirrevedu l-implikazzjonijiet ta’ dawn il-prattiki ġodda tal-industrija fuq l-inizjattivi u l-azzjonijiet ta’ politika dwar it-turiżmu tagħhom. L-għan ewlieni tagħhom huwa li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet jappoġġjaw u jħeġġu l-innovazzjoni, li min-naħa tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli tiżviluppa l-industrija tat-turiżmu tagħhom.
3. Hemm bżonn ta’ bidla bilfors
3.1 Fid-dawl tad-dinamika li qed tinbidel fis-soċjetà, kif ukoll tal-waqgħa tat-turiżmu tal-massa kif organizzat mill-operaturi tat-tours fis-seklu 20, it-turiżmu tal-gżejjer għandu jkun innovattiv u jadatta għal paradigma ġdid biex jirnexxi. L-innovazzjoni tinsab fi ħdan in-nies li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu nnifsu. Paradossalment l-innovazzjoni tfixkel id-drawwiet stabbiliti, u n-nies normalment jirreżistu l-bidla jekk fiha ma jarawx benefiċċji immedjati.
3.2 Matul l-aħħar nofs tas-seklu 20, l-offerta tas-suq tat-turiżmu tal-massa ddettat id-domanda. Minkejja dan, feġġ għadd dejjem jikber ta’ destinazzjonijiet li fawwru s-suq. Illum il-ġurnata, id-domanda “ta’ dak il-ħin” qiegħda tirbaħ f’suq tipikament iddominat mill-konsumaturi. B’konsegwenza ta’ dan, il-fornitur qiegħed ibati. Dan jippreżenta sfida ġdida li tista’ tissolva permezz tal-innovazzjoni u b’ideat kreattivi, bl-iżvilupp ta’ varjetà kbira ta’ forom ta’ turiżmu speċifiċi (niche), bħalma huma t-turiżmu terapewtiku, dak ekoloġiku, tal-irziezet, tan-natura, eċċ.
3.3 Barra minn hekk, l-istili ta’ ħajja nbidlu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. L-industrija tat-turiżmu qed tħabbat wiċċha ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, li hi aktar f’saħħitha u li għandha aktar flus biex tieħu aktar vaganzi u tieħu vaganzi iqsar. Għal għadd kbir ta’ turisti, l-enfasi mxiet minn “l-irħas prezz disponibbli” għal “l-aħjar kwalità/għall-aħjar prezz”. Il-lealtà tal-konsumaturi qed tonqos u t-turisti qed ifittxu dejjem aktar is-sostenibbiltà u l-awtentiċità, u jersqu lil hinn mit-turiżmu tal-massa. It-turiżmu tal-gżejjer bilfors irid jindirizza l-kwistjoni tal-innovazzjoni jekk irid jibqa’ ħaj f’dawn iċ-ċirkostanzi.
4. It-turiżmu tal-gżejjer u l-innovazzjoni tal-prodotti
4.1 F’kumpaniji kbar tal-industrija tat-turiżmu, l-innovazzjoni hija rutina u aspett normali tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kumpaniji. Biex jiżguraw li ma jinqabdux fuq sieq waħda minn innovazzjonijiet mhux mistennija, illum il-ġurnata l-kumpaniji jinkludu l-innovazzjoni bħala parti mill-ippjanar tagħhom ta’ kuljum. Għalihom l-innovazzjoni hija sempliċiment fattur ieħor tal-produzzjoni.
4.2 Minkejja dan, għall-industrija tat-turiżmu tan-negozji ż-żgħar orjentata lejn id-destinazzjonijiet, il-possibbiltà li jgawdu mill-innovazzjoni b’mod sħiħ hija limitata. Il-limitazzjoni prinċipali hija n-nuqqas ta’ persunal u ta’ fondi. Fuq kollox, l-SMEs fit-turiżmu kollha huma interessati l-aktar mill-ħtiġijiet ta’ kuljum tal-konsumaturi regolari tagħhom u mhumiex f’pożizzjoni li jerfgħu l-fondi għar-Riċerka u l-Iżvilupp.
4.3 Fil-biċċa l-kbira tagħha, l-industrija tat-turiżmu hija dominata mill-SMEs u dan huwa partikolament veru għall-gżejjer. Biex ikampaw f’ambjent li kull ma jmur qed isir dejjem aktar kompetittiv u globali, l-intrapriżi tat-turiżmu, speċjalment iż-żgħar, ser ikollhom bżonn jiksbu l-ekonomiji tal-kobor (economies of scale) u massa kritika sabiex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom tat-transazzjonijiet, iżidu l-produttività u jiksbu s-setgħa fis-suq. Ir-ristrutturar u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ser jgħinu lill-intrapriżi jadattaw għall-bidliet u jżidu l-kompetittività tagħhom.
4.4 Waħda mill-isfidi għall-industrija tat-turiżmu hija li joffru prodotti u servizzi ġodda. It-turiżmu bbażat fuq l-esperjenza, dak sostenibbli u t-turiżmu naturali/kulturali/storiku huma wħud mill-istrateġiji li taw il-bidu għal ħafna prodotti tat-turiżmu innovattivi f’ħafna destinazzjonijiet Ewropej tal-lum. Il-gżejjer għandhom jippromovu aktar dawn il-prodotti għax jirrelataw mal-qalba ta’ dak li jagħtihom “l-identità ta’ gżira”.
4.5 It-turiżmu bbażat fuq l-esperjenza joħroġ mill-interazzjoni bejn it-turisti u d-destinazzjonijiet. L-esperjenza ġenerali tat-turisti hija magħmula minn bosta kuntatti żgħar ma’ varjetà ta’ nies differenti li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu.
4.6 Il-fatt li l-konsumaturi huma aktar konxji ta’ kwistjonijiet ambjentali jħeġġeġ lin-negozji tat-turiżmu biex ikunu innovattivi u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, kemm fl-interazzjoni tat-turisti mal-ambjent, kif ukoll fil-prestazzjoni ambjentali tagħhom stess. Fil-fatt, il-prodotti innovattivi ewlenin jinsabu f’oqsma speċifiċi bħalma huma l-ekoturiżmu u t-turiżmu bbażat fuq l-avventura.
4.7 It-turiżmu kulturali wkoll huwa settur importanti u li qiegħed jikber, li jattira viżitaturi relattivament sinjuri u edukati. Ħafna gżejjer qed isibu pożizzjoni ġdida fis-suq għas-servizzi kulturali tagħhom u qed jiżviluppaw innovazzjonijiet li huma mmirati biex iżidu l-valur permezz tal-kultura. Dawn qed jiddiversifikaw it-turiżmu u jżidu t-tul taż-żjajjar tal-viżitaturi permezz, pereżempju ta’ preżentazzjoni u promozzjoni aħjar tal-esperjenzi u l-avvenimenti kulturali disponibbli.
4.8 Jekk it-turiżmu ma jiġix integrat fis-soċjetà tal-gżira b’mod armonjuż, u joffri benefiċċji biss lil ftit mill-abitanti, filwaqt li jtellef lil ħafna oħrajn, ma jkunx parti sostenibbli u armonjuża tal-attivitajiet tas-soċjetà. Biex jiġi żgurat li l-popolazzjoni taċċetta li tappoġġja soċjetà tat-turiżmu tal-gżejjer, hemm bżonn li jsir ippjanar minn isfel għal fuq kif ukoll tal-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. It-turiżmu jista’ jipprovdi opportunità biex il-popolazzjoni ta’ gżira tingħaqad flimkien billi jiġi involut kulħadd u billi jkun hemm għajnuna biex kulħadd jifhem li t-turiżmu jħalli effetti mifruxa fuq it-titjib tal-ambjent naturali u dak urban, l-użu tal-art u l-ippjanar tal-ispazju, is-servizzi soċjali u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali (l-arkitettura, l-artiġġjanat, l-ispeċjalitajiet tal-ikel tradizzjonali, eċċ.)
4.9 Jista’ jiġri li tipi differenti ta’ turiżmu ma jkunux kompatibbli ma’ xulxin, speċjalment f’ambjent ta’ gżira żgħira. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ suq speċjalizzat bħal dak tal-korsijiet tal-lingwa għall-istudenti fis-sajf jista’ ma jkunx kompatibbli mal-iżvilupp ta’ suq għas-sajf għal persuni avvanzati fl-età meta l-imġiba storbjuża taż-żgħażagħ wara l-lezzjonijiet ma taqbilx mal-kwiet li jkunu qed ifittxu l-anzjani. Mill-ġdid, hemm bżonn ta’ appoġġ minn isfel għal fuq għat-tip(i) ta’ turiżmu li tagħżel gżira sabiex din l-għażla tkun ta’ suċċess.
4.10 Wara kollox it-turiżmu ma jolqotx biss lin-nies li direttament jaħdmu fil-lukandi, ir-restoranti jew mal-kumpaniji tal-ajru. Huwa jinvolvi ħafna aktar setturi li huma marbuta mas-setturi tat-turiżmu, mill-plumber sal-bidwi lokali.
5. It-titjib tat-turiżmu tal-gżejjer permezz tal-innovazzjoni tal-proċessi
5.1 L-industrija tat-turiżmu minn dejjem kienet proattiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħalma huma s-sistemi ta’ distribuzzjoni globali. Avvanzi riċenti fit-telekomunikazzjonijiet, in-netwerking, id-databases, l-ipproċessar tad-data u r-reklamar elettroniku jipprovdu ħafna opportunitajiet ġodda għan-negozji tat-turiżmu. Dawn qed iħallu impatt sinifikanti fuq il-mudelli tan-negozji tat-turiżmu tradizzjonali. L-użu tal-aċċess għall-broadband internet bit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jżid il-valur lis-servizzi u l-prodotti tat-turiżmu u jgħin l-iżvilupp tan-netwerks u l-clusters tal-industrija. Il-problema ta’ dan hija l-assenza tat-teknoloġija broadband u n-nuqqas ta’ għarfien u ħiliet speċjalizzati biex jittieħdu l-benefiċċji kollha tal-ICT. Għandu jiġi organizzat taħriġ speċifiku għall-popolazzjonijiet tal-gżejjer biex jimtlew dawn il-lakuni.
5.2 Il-konsumaturi qed isiru dejjem aktar familjari mal-użu tal-ICT biex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għat-turiżmu. Fil-livell tal-UE llum, żewġ terzi tat-turisti futuri jorganizzaw il-vjaġġi tagħhom bl-internet, u aktar minn 50 % jixtru l-vjaġġ tagħhom onlajn. Huma jfittxu prodotti flessibbli u aċċessibbli faċilment, u jħobbu jikkomunikaw direttament mal-produtturi tat-turiżmu. Biex jieħdu vantaġġ minn din ir-rivoluzzjoni tal-ICT, l-intraprendituri jridu jfasslu mill-ġdid il-proċess kollu tal-marketing tal-industrija. It-teknoloġija tal-internet toffri kemm lill-intrapriżi kif ukoll lill-konsumaturi potenzjal kbir għal negozju onlajn dirett.
5.3 Ħafna gżejjer Ewropej bi tradizzjoni twila ta’ turiżmu qed ibatu minn dgħufijiet fil-produzzjoni u t-tkabbir. F’dawn il-postijiet it-turiżmu jinsab taħt pressjoni kompetittiva qawwija. Fis-suq tat-turiżmu globali liberalizzat, il-gżejjer qed jikkompetu ma’ destinazzjonijiet ġodda li jistgħu jgawdu minn riżorsi li ma ntmessewx jew li mhumiex użati ħafna u li għandhom kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli, inkluż pagi baxxi, diversi forom ta’ għajnuniet mill-istat u muniti dgħajfa.
5.4 Bħall-industriji kollha tas-servizzi, il-kwalità tal-offerta tas-servizzi fit-turiżmu tal-gżejjer tiddependi ħafna mill-kwalità tal-ħaddiema u tan-nies. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin huma marbutin ma’ livelli tajbin ta’ servizz.
5.5 It-turiżmu tal-gżejjer Ewropew, peress li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa magħmul minn SMEs u kkaratterizzat b’intensità għolja tax-xogħol, għandu problema ta’ produttività minħabba n-natura frammentata tiegħu. Din il-produttività mnaqqsa tagħmilha diffiċli biex gżira fit-turiżmu tkun kompetittiva. Dan il-fatt huwa rifless fil-prezz mitlub.
5.6 Il-problema tal-istaġunalità għandha konsegwenzi reali għall-istabbiltà tal-impjiegi, u tagħmel il-fatt li wieħed jaħdem fis-settur tat-turiżmu inqas attraenti. Huwa għalhekk li għandna bżonn nippromovu kuntratti speċjali li jiggarantixxu impjieg stabbli għal ħaddiema staġunali, biex dawn jingħataw drittijiet soċjali u tax-xogħol ugwali għal dawk tal-ħaddiema permanenti. Il-KESE diġà qajjem din il-kwistjoni fil-passat (2).
5.6.1 L-iżvilupp u t-tiġdid tat-turiżmu tal-gżejjer ser jeħtieġu li r-relazzjonijiet tax-xogħol jinbidlu u jiġu modernizzati, b’mod partikolari f’oqsma bħat-taħriġ, l-avvanz tal-impjiegi u l-karrieri, il-funzjonijiet tal-impjiegi, il-ġranet tax-xogħol, u s-sigħat u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, fi ħdan il-qafas tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.
5.7 L-aċċess għall-gżejjer, speċjalment fid-dinja mgħaġġla tal-lum, huwa prinċipalment bl-ivvjaġġar bl-ajru. L-ivvjaġġar bil-baħar mhux dejjem huwa alternattiva li tista’ tittieħed. Dan jeħtieġ infrastruttura soda fuq l-art marbuta ma’ netwerk affidabbli ta’ konnessjonijiet marittimi fl-ibħra. Il-konnessjonijiet marittimi, minħabba n-natura tagħhom, huma dipendenti mit-temp.
6. L-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika għall-innovazzjoni fil-marketing tat-turiżmu fil-gżejjer
6.1 L-isfida ta’ vera għall-awtoritajiet inkarigati mit-turiżmu tal-gżejjer hija li jiddeterminaw l-aktar mod effettiv għall-iżvilupp ta’ strumenti ta’ politika li jappoġġjaw l-innovazzjoni fit-turiżmu mingħajr ma jinterferixxu fid-dinamiċi tas-suq. Prattika tajba tkun li l-gvernijiet iħallu lis-swieq jaġixxu kemm jista’ jkun u jintervjenu biss meta jkun hemm fallimenti tas-swieq.
6.2 Il-gżejjer għandhom jibbilanċjaw b’mod għaqli l-interessi li potenzjalment joħolqu kunflitt bejn in-negozji li jkunu qed ifittxu li jikbru, it-turisti-konsumaturi li jkunu qed ifittxu opportunitajiet għad-divertiment u l-ambjentalisti li jkunu qed ifittxu li jħarsu n-natura. Fir-rigward tal-ippjanar tal-ibliet hemm kwistjoni ewlenija: min għandu jitħalla jiddeċiedi dwar proġetti ta’ bini? Potenzjalment jista’ jkun hemm kunflitt bejn il-kunsilli lokali, li jistgħu jkunu influwenzati minn interessi kummerċjali lokali, u awtoritajiet reġjonali jew ċentrali li jkunu qed jaraw l-istampa ġenerali u jkunu jixtiequ jikkontrollaw bini bla rażan f’żoni li huma ambjentalment sensittivi.
6.3 Il-gvernijiet għandhom iħallu lill-kumpaniji innovattivi jiksbu l-ekonomiji tal-kobor u jfittxu l-innovazzjoni permezz ta’ sħubijiet f’kooperattivi u forom oħra ta’ netwerking. L-aktar mezz ta’ suċċess u li għandu potenzjal għall-innovazzjoni fl-industrija tat-turiżmu jista’ jinkiseb permezz tal-kooperazzjoni, is-sħubijiet u/jew in-netwerks f’oqsma bħat-teknoloġija, il-marketing, id-distribuzzjoni u l-qsim tar-riżorsi umani. S’issa qed jidher li l-kooperazzjoni fit-turiżmu mhijiex biżżejjed, speċjalment fl-SMEs. F’dan ir-rigward, il-gvern għandu jappoġġja politika tat-turiżmu innovattiva li tippromovi l-koerenza u s-sinerġija.
6.4 L-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-turiżmu ma jistax iseħħ jekk ma tiġix inkluża d-dimensjoni tal-ispazju. Fuq kollox hemm bżonn nikkunsidraw il-marketing tal-attrazzjonijiet u l-fatt li dawn isiru komodità. Dawn huma l-materji primi tat-turiżmu u dawk li joħolqu d-destinazzjonijiet tas-suq. Il-viżitaturi jagħżlu d-destinazzjoni li tidher li toffri l-akbar utilità u l-oġġetti li huma lesti li jħallsu għalihom. L-ammont li huma lesti li jħallsu jiżdied skont kemm tkun unika d-destinazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn huma affarijiet pubbliċi jew riżorsi komuni bħal pajsaġġi protetti jew artijiet riżervati għall-użu agrikolu li l-abitanti tal-gżejjer għandhom bżonn jipproteġu u jimmaniġġjaw, sabiex dawn ma jiġux biss ikkonsmati jew meqrudin.
6.5 Attrazzjonijiet lokali u servizzi innovattivi huma dawk li jagħtu lid-destinazzjonijiet it-togħma distinta tagħhom. Iżda fl-istess ħin jillimitaw ukoll il-possibiltajiet ta’ innovazzjoni tal-prodotti, peress li dawn l-innovazzjonijet ma jistgħux iseħħu mingħajr ma jiġu inkorporati l-karatteristiċi tad-destinazzjoni. Pereżempju, villeġġatura ħdejn il-baħar ma tistax tiġi ttrasformata f’post għall-kwiet fil-muntanji. Minkejja dan, pajjiż tat-turiżmu b’varjetà ta’ attrazzjonijiet jista’ jippreżenta lilu nnifsu f’pożizzjoni differenti fis-suq.
6.6 It-turiżmu tal-massa bbażat fuq ix-xemx, il-baħar u l-McDonalds, mhuwiex l-aħjar forma ta’ turiżmu għall-gżejjer għal tul ta’ żmien. Għall-argument, xi eżempji fl-Iskozja juru li forom speċjalizzati fuq skala żgħira ta’ turiżmu tal-gżejjer jistgħu jkunu ta’ suċċess kbir. M’hemmx formola li tgħodd għal kulħadd u huwa importanti li dan inżommuh quddiem għajnejna meta tkun qed titħejja strateġija għat-turiżmu tal-gżejjer. Dak li hu ideali għal gżira żgħira fil-Mediterran jista’ ma jkunx adegwat għal gżira żgħira ħafna lil hinn mix-xtut tar-Renju Unit, l-Irlanda jew l-Isvezja.
6.7 Id-destin tad-destinazzjonijiet jiddependi minn ħafna fatturi independenti. Dawn jinkludu l-pożizzjoni ġeografika u l-potenzjal tas-swieq sors, kif ukoll l-aċċessibbiltà kif espressa fi spejjeż tat-trasport u marbuta mal-ħin. Dawn il-fatturi jistgħu jiġu influwenzati mis-settur pubbliku biss permezz ta’ mekkaniżmi bħalma huma l-obbligi ta’ servizz pubbliku jew is-sistemi ta’ kontinwità territorjali. Barra minn hekk, tista’ tgħid li huma jiddeterminaw it-tip ta’ innovazzjonijiet tal-prodotti. L-isfida għall-intraprenditur lokali għalhekk hija li joħloq valur addizzjonali għall-konsumatur permezz ta’ prodotti ġodda.
6.8 Wieħed mit-temi attwali fl-UE hija s-sostenibbiltà ambjentali; din tkopri kwistjonijet bħall-identifikar ta’ mekkaniżmi utli għall-promozzjoni tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet marbutin mal-ivvjaġġar u kif is-sostenibbiltà ambjentali b’mod aktar ġenerali saret xprun ewlieni tal-kompetittività fit-turiżmu.
6.9 Pereżempju, x’qed iżomm lill-abitanti tal-gżejjer milli jtejbu x-xtajtiet tagħhom? Jew milli jiftaħru bil-wirt kulturali tagħhom? Għalfejn hemm biss ftit resorts għat-turisti li huma indikati meta, pereżempju, il-gżira kollha kemm hi tista’ tkun attrazzjoni turistika? Għalfejn ikun hemm konċentrazzjoni kbira fi żmien partikolari u “staġun tat-turisti” daqshekk qasir meta f’postijiet oħra t-turiżmu huwa attività tul is-sena kollha? Ir-reklamar isir biss għal xi post jew tnejn meta jista’ jsir għall-bliet u l-irħula kollha. Ir-residenti ta’ kull belt jew raħal iridu jitgħallmu jkunu kburin bil-belt jew raħal tagħhom u b’hekk biss jistgħu jipproteġu u jbiegħu l-prodott u l-wirt tagħhom.
6.10 B’għadd dejjem jikber ta’ turisti li qed iżuru l-gżejjer, l-awtoritajiet ser ikollhom bżonn jinvestu aktar biex jipproteġu l-kwalità sanitarja tad-destinazzjonijiet tal-gżejjer, jiżguraw kwalità tajba tal-ilma għax-xorb (u għall-ħasil), it-trattament tad-dranaġġ b’mod korrett, l-enerġija sostenibbli, u l-provvista ta’ ikel sigur.
6.11 Huwa importanti ħafna li tiżdied il-kuxjenza dwar il-kompetittività fost l-abitanti tal-gżejjer, sabiex din tkun lejn il-quċċata tal-aġenda tagħhom. Dan ma jistax isir mill-gvern waħdu. Il-ħaddiema, l-intrprendituri, il-mexxejja u l-istituzzjonijiet amministrattivi kollha jridu jaqdfu b’moqdief wieħed.
6.12 Prattikament hemm tliet fatturi li jinfluwenzaw u li huma deċiżivi:
— |
l-ewwel nett hemm l-involviment tal-gvern fir-rigward tas-sigurtà tas-saħħa u s-sostenibbiltà ambjentali; |
— |
it-tieni nett l-element tan-negozju tas-settur privat li jista’ jinkludi t-trasport tal-art, tal-ajru u l-infrastruttura tal-ICT; kif ukoll |
— |
it-tielet nett, l-elementi kulturali umani tal-kwalitajiet tar-riżorsi ta’ kull pajjiż. |
6.12.1 Il-gvern għandu influwenza kbira fuq l-ewwel kategorija. Jekk gżira jkollha livelli baxxi ta’ sostenibbiltà ambjentali, mela allura ma tkunx qed tagħmel biżżejjed. Dan juri kif il-gruppi ta’ pressjoni ambjentali u kulturali tajbin għandhom ikomplu jinsistu għal aktar kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-gżejjer u fuq il-bżonn urġenti li jsir aktar investiment biex jiġi protett.
6.12.2 Għal dak li għandu x’jaqsam mal-infrastruttura tat-turiżmu, għad fadal ħafna x’isir ukoll. Prestazzjoni baxxa f’dan il-qasam tista’ sservi ta’ stimolu biex tittieħed azzjoni u biex tittieħed l-opportunità li jsir aktar investiment. Perijodu ta’ riċessjoni huwa żmien tajjeb biex issir reviżjoni tal-infrastruttura u jiġu ddedikati aktar riżorsi għat-titjib. Issa huwa l-mument meta l-gżejjer għandhom jitjiebu u jfittxu swieq speċifiċi ġodda permezz ta’ investimenti privati u pubbliċi ġodda. Il-gvern għandu jiżgura li l-settur privat ikollu aċċess ikbar għall-fondi u li l-banek jadattaw aktar għall-intrapriżi żgħar u medji. Huma għandhom jużaw b’mod sħiħ il-fondi kollha disponibbli taħt il-pakkett ta’ stimoli tal-UE. Iżda huwa aktar importanti li l-entitajiet tal-gvern ma jimponux regoli mhux adattati fuq is-settur privat biex jagħsru lill-intraprendituri mill-kapital li jista’ jkollhom disponibbli għall-investiment.
6.12.3 Teżisti n-naħa l-kerha tat-turiżmu tal-gżejjer: l-ekonomija moħbija li ġġib aktar dħul lill-abitanti tal-gżejjer iżda li tħalli impatt negattiv fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Djar sekondarji għandhom ħabta jżidu l-prezz għar-residenti tal-gżejjer iżda jirrappreżentaw ukoll sors ta’ dħul. Barra minn hekk, hemm il-pressjoni fuq l-infrastrutturi tal-ilma, tad-dranaġġ u l-enerġija, li fix-xhur l-aktar biżlin ikollhom ikampaw b’madwar 20 darba d-daqs tal-popolazzjoni lokali.
6.13 Waħda mill-konsegwenzi tal-flussi staġjonali fil-ħtiġijiet tax-xogħol hija l-presenza tal-ekonomija sewda. L-użu ħażin jew l-abbuż tax-xogħol tal-istudenti, jew l-użu tax-xogħol illegali jagħmel ħsara kemm lill-ħaddiema legali kif ukoll lil dawk illegali għax inaqqsu l-livelli tal-pagi mħallsa.
Ix-xogħol illegali jista’ jgħodd għal proporzjon sinifikanti tan-nies li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu. F’xi pajjiżi, jaqbeż in-nofs tal-forza tax-xogħol.
6.13.1 Xogħol irħis u mobbli mill-Istati l-Membri l-ġodda, eż. il-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija qed isir fattur li kull ma jmur qed joħroġ aktar fid-dieher fit-turiżmu tal-Punent, inkluż it-turiżmu tal-gżejjer. Taħt ir-regoli tal-UE dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tax-xogħol, din hija tendenza li ma tistax titwaqqaf u l-kwistjoni li qed jiffaċċjaw l-intraprendituri u l-ħaddiema hija dwar kif jistgħu jirrispondu għaliha. Hemm bżonn jiġi żgurat li n-negozji jkunu kompetittivi, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-ugwaljanza u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu rispettati u l-ħaddiema mhux esplojtati.
6.14 Huwa għalhekk li t-turiżmu tal-gżejjer jeħtieġ approċċ meqjus. It-turiżmu huwa vitali għall-abitanti u għall-SMEs tal-gżejjer. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni. L-abitanti tal-gżejjer iridu jkejlu lilhom infushom mal-kompetizzjoni. L-ewwel nett iridu jiġu indirizzati l-problemi immedjati fuq żmien qasir. Biex it-turiżmu jibqa’ sostenibbli u mutur importanti tat-tkabbir tal-ekonomija, irid ikun hemm mezz effettiv għal azzjoni fuq tul ta’ żmien.
7. L-iffaċilitar tan-netwerks għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi u tad-destinazzjonijiet turistiċi
7.1 Hemm konċentrazzjoni kbira ta’ diversi oqsma tal-industrija tat-turiżmu eż. il-linji tal-ajru, il-katini tal-lukandi, l-operaturi tat-tours jew l-aġenżiji tal-kiri tal-karozzi u dawn ta’ sikwit ikunu entitajiet globali. Min-naħa l-oħra, l-SMEs għadhom jgħoddu għall-biċċa l-kbira tal-industrija tat-turiżmu fil-gżejjer. Biex ikampaw meta jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-kompetituri globali, il-kumpaniji tat-turiżmu tal-gżejjer għandhom jippruvaw jinvolvu rwieħhom f’kompetizzjoni li hi kostruttiva aktar milli distruttiva. Il-kompetizzjoni kostruttiva tkabbar is-suq disponibbli, twessa’ l-pjattaforma tal-prodotti u fl-aħħar twassal għal diversifikazzjoni intelliġenti tal-prodotti u għal innovazzjoni biex ikunu jistgħu jinkisbu prodotti ta’ kwalità mondjali. Min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni distruttiva twassal biex il-kumpaniji jikkompetu għall-istess suq, li jwassal għall-konverġenza tal-prodotti u għal gwerer tal-prezzijiet. Għalhekk huwa importanti li l-intraprendituri tat-turiżmu jkunu jafu kif jaħdmu aktar flimkien biex ikun hemm kompetizzjoni kostruttiva.
7.2 L-intraprendituri tat-turiżmu tal-gżejjer, partikolarment dawk żgħar, huma aktar konxji tal-kompetizzjoni mill-imsieħba tagħhom milli tal-benefiċċji li jiksbu meta jaħdmu flimkien. Fid-dinja tat-turiżmu, tista’ ssir distinzjoni bejn in-netwerks/clusters ġeografiċi u dawk ibbażati fuq l-attività bħalma huma t-turiżmu ekoloġiku, tal-inbid/tal-kampanja, eċċ. In-netwerks/clusters jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-bini tal-kapaċità tal-operaturi biex ikunu innovattivi eż. permezz ta’ spejjeż aktar baxxi għall-esperimentazzjoni, viżibilità ikbar u kapaċità aħjar għar-rispons għad-domanda li qed tinbidel. Bħal f’industriji tas-servizzi oħrajn, l-innovazzjoni fl-industrija tat-turiżmu tistrieħ essenzjalment fuq in-netwerks u l-kooperazzjoni.
7.3 Il-kooperazzjoni bejn il-politiċi, min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tat-trejdunjins, kif ukoll l-integrazzjoni tal-korpi, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li jaqdu rwol fis-settur turistiku, huma wkoll fatturi ewlenin għat-tkabbir kontinwu tal-industrija tat-turiżmu tal-gżejjer. Filwaqt li s-settur tan-negozji għandu rwol ewlieni biex jistabbilixxi n-netwerks, il-gvernijiet lokali huma responsabbli għall-iżvilupp ta’ infrastruttura li permezz tagħha tkun tista’ sseħħ kooperazzjoni aħjar u li tappoġġja n-netwerks tas-swieq.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) “Integrazzjoni aħjar fis-suq intern bħala fattur ewlieni għall-koeżjoni u t-tkabbir għal gżejjer”ĠU C 27 tat-3.2.2009, p. 123.
(2) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Turiżmu soċjalment sostenibbli għal kulħadd” (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 32, 5.02.2004, p. 1.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/81 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/14
Relatur: is-Sur NYBERG
Nhar it-18 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'121 vot favur, 55 vot kontra u 7 astensjonijiet.
1. Sinteżi u konklużjonijiet
1.1 Il-valur globali tat-transazzjonijiet finanzjarji kollha żdied minn madwar 15-il darba l-valur dinji tal-PDG fl-1990 għal madwar 70 darba fl-2007 (1). Ma kien hemm kważi l-ebda bidla fil-valur tat-transazzjonijiet fil-pront (spot transactions) fir-rigward tal-PDG li jfisser li din iż-żieda għal erba' darbiet fit-transazzjonijiet finanzjarji tikkonsisti kważi kollha kemm hi mid-derivattivi, l-aktar mid-derivattivi mir-rata tal-interessi. Kemm hemm tnaqqis fil-kummerċ tad-derivattivi tul it-tieni nofs tal-2008 iżda l-volum reġa' żdied tul l-ewwel nofs tal-2009. L-imġiba tas-settur finanzjarju ma tantx tidher li nbidlet ħafna.
1.2 Fl-2007, is-settur finanzjaru – li l-kompitu ewlieni tiegħu huwa li jappoġġja l-ekonomija reali – kien jikkonsisti f'40 % tal-qligħ tal-kumpaniji kollha fl-Istati Uniti filwaqt li s-sehem tiegħu tal-PDG kien biss ta' 7 %. Kien hemm ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit swieq – b'mod partikolari Londra u New York – kif ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit mill-istituzzjonijiet finanzjarji kbar. Sabiex dawn l-istituzzjonijiet jiġu salvati milli jikkrollaw, intefgħu ammonti kbar ta' flus f'dan is-settur, li rriżulta f'deficits baġitarji mingħajr preċedent.
1.3 Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF) jista' jkollha impatt deċiżiv fuq l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji billi jitnaqqas in-numru ta' transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ħafna ta' żmien li ħafna drabi huma riskjużi wkoll.
1.4 Il-KESE bi prinċipju approva l-idea ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport de Larosière: (2)“Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta' żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”. B'din l-opinjoni, il-KESE jixtieq jieħu sehem fid-diskussjonijiet li għaddejjin fuq din it-taxxa u jelabora iktar fuq l-objettivi u l-effetti ta' din it-taxxa.
1.5 Il-proposta inizjali għal taxxa fuq it-transazzjonijiet fit-titoli ġiet formulata minn J.M. Keynes fl-1936. L-għan tiegħu kien li titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti fl-ekwitajiet u jissaħħu l-fundamentali tal-bażi tal-prezzijiet tal-ishma fuq perijodu fit-tul. Tul is-snin sebgħin dan ġie żviluppat iktar minn James Tobin. L-għan tiegħu kien li jitrażżan is-suq finanzjarju biex jiġi allinjat aktar mal-ekonomija reali permezz ta' taxxa fuq transazzjonijiet fil-pront fil-valuta internazzjonali. L-għan tiegħu kien l-istess bħall-objettiv li qed jiġi diskuss attwalment – li t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien jitnaqqsu.
1.6 Tobin issuġġerixxa li d-dħul mit-taxxa jintbagħat lill-Fond Monetarju Internazzjonali jew lill-Bank Dinji, iżda d-dħul ma kienx l-għan prinċipali tiegħu: “Iktar ma t-taxxa tirnexxi fl-objettivi ekonomiċi li oriġinarjament immotivawni … inqas ser tagħmel dħul …”
1.7 L-idea ta' taxxa reġgħet saret attwali quddiem il-kriżi finanzjarja tal-2008, din id-darba għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji.
1.8 Skont il-KESE, l-għan ewlieni ta' TTF għandu jkun li tinbidel l-imġiba fis-settur finanzjarju billi jitnaqqsu t-transazzjonijiet finanzjarji spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien. B'dan il-mod l-attivitajiet fis-settur finanzjarju jistgħu jaħdmu permezz tal-mekkaniżmu tal-prezz tas-suq. Uħud minn dawn it-transazzjonijiet ġew anke definiti bħala soċjalment inutli minn Lord Turner (mill-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit). L-effett mixtieq jista' jintlaħaq billi jkun żgurat li t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tolqot l-iktar lit-transazzjonijiet l-aktar frekwenti.
1.9 Jekk TTF tnaqqas sew il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien fit-titoli u d-derivattivi, din ser tnaqqas ukoll il-profitti fis-settur finanzjarju, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-bonusijiet iżda wkoll biex jonqos id-dħul mit-taxxa. Mhux ser tintlaqat l-attività bankarja tradizzjonali, ibbażata fuq is-self lin-negozji u lill-familji u ffinanzjata minn depożiti, u li l-profitti tagħha huma ġġenerati mid-differenza fir-rati ta' interessi. Din it-tip ta'attività bankarja tista' terġa' għal darb'oħra tkun l-għan ewlieni tas-settur finanzjarju, fejn is-self jintuża' bl-aħjar mod għall-investimenti. Id-diffikultajiet finanzjarji l-ġodda matul l-2010, kif ukoll it-tiftix tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-UE għal metodi ta' finanzjament għal kriżijiet finanzjarji futuri m'għandhomx itellfuna din l-opportunità tajba għal titjib fis-settur finanzjarju u lil hinn mill-viżjoni ta' żmien qasir.
1.10 It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta' dħul jista' jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan tal-aħħar jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta' żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku.
1.11 It-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji għalihom infushom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-kontribut mis-settur finanzjarju għall-ħlasijiet fiskali mhuwiex meqjus bħala ġust.
1.12 It-TTF għandu jkollha kamp ta' applikazzjoni wiesa' kemm jista' jkun u preferibbilment għandha tkun tapplika kemm għas-swieq nazzjonali kif ukoll għat-transazzjonijiet barranin. Għal sistema globali, il-KESE jirrakkomanda rata tat-taxxa għal TTF ta' biss 0,05 %. B'sistema Ewropea huwa rakkomandat li jkun hemm rata aktar baxxa sabiex ikun żgurat li din ma toħloqx distorsjoni fit-tħaddim tas-suq finanzjarju.
1.13 L-introduzzjoni ta' taxxa dejjem tnaqqas il-valur tal-assi, iżda din taffettwa fejn iseħħ il-kummerċ, jekk ma tkunx taxxa globali? Minn studju rriżulta li d-dazju tal-bolla attwali fir-Renju Unit naqqas l-introjtu b'20 %, u ma jistax jingħad li dan naqqas il-kummerċ f'Londra.
1.14 L-introduzzjoni ta' din it-taxxa mhi ser tinvolvi prattikament l-ebda spiża amministrattiva, teknika jew ekonomika peress li t-transazzjonijiet diġà huma kompjuterizzati. Madankollu, għad mhemm l-ebda suq kompjuterizzat għat-transazzjonijiet mhux regolati (over the counter jew OTC), għalkemm qiegħda titħejja leġislazzjoni tal-UE dwar dan. Il-ħtieġa li fil-Borża organizzata jiġu inklużi t-transazzjonijiet kollha, u għalhekk anki s-suq OTC juri li r-regolament u t-taxxi bħat-TTF, huma komplementari u mhux alternattivi.
1.15 Bi mġiba mibdula fis-settur finanzjarju li tiddependi aktar fuq l-elementi fundamentali fit-tul, u fl-istess ħin fuq dħul pubbliku miżjud, it-TTF għandha dak li jissejjeħ dividend doppju. Iżda huwa wkoll evidenti li iktar ma tkun għolja r-rata tat-taxxa, ikbar ikun l-effett fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien skambjati u b'konsegwenza, iżgħar ikun id-dħul Għalhekk għandha tinstab rata tat-taxxa li twassal għal bilanċ bejn iż-żewġ objettivi tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – bidla fl-imġiba u fid-dħul tat-taxxa.
1.16 Jekk tiġi applikata madwar l-UE, id-dħul mit-taxxa ser ikun madwar 1,5 % tal-PDG, fejn il-biċċa l-kbira tad-dħul ikun ġej mis-suq finanzjarju tar-Renju Unit. Jekk tiġi applikata mad-dinja kollha, id-dħul mit-taxxa jkun madwar 1,2 % tal-PDG dinji. Ir-riżultati huma bejn wieħed u ieħor l-istess kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Istati Uniti.
1.17 Fil-laqgħa tiegħu f'Toronto nhar is-26 u s-27 ta' Ġunju 2010, il-G20 ma pproponiex taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Il-KESE jikkunsidra li s-sistema Ewropea xorta waħda għandha tinżamm fl-aġenda għar-riformi finanzjarji.
2. Kuntest
2.1 Ingħataw bosta raġunijiet għall-kriżi finanzjarja li faqqgħet b'mod drammatiku wara l-falliment tal-Lehman Brothers fl-2008 (3). Dawn jinkludu il-munita irħas permezz ta' rati ta' interessi baxxi, id-distribuzzjoni ta' titoli ta' riskju għoli perezz tat-titolizzazzjoni, in-nuqqas ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, id-disponibbiltà ta' riżorsi ekonomiċi għall-ispekulazzjoni permezz ta' distribuzzjoni mill-ġdid fit-tul tad-dħul mix-xogħol għall-kapital, in-natura dinjija tas-suq finanzjarju, eċċ.
2.2 Is-settur finanzjarju fir-rigward tal-PDG żdied iktar milli wieħed jista' jobsor. Fl-1990, il-valur tat-transazzjonijiet finanzjarji tela' għal madwar 15-il darba tal-PDG. Sal-kriżi tal-2008, dawn żdiedu għal 70 darba tal-PDG (4). It-transazzjonijiet fil-pront jirrappreżentaw kważi l-istess persentaġġ tal-PDG dinji bħal fl-1990, u għalhekk iż-żieda għal erba' darbiet fit-transazzjonijiet finanzjarji tikkonsisti kważi kollha kemm hi mid-derivattivi. Prinċipalment, dawn huma t-transazzjonijiet mhux regolati (OTC), ftehimiet diretti bejn ix-xerrej u l-istituzzjoni finanzjarja, u ħafna minn dawn jikkonċernaw derivattivi relatati mar-rata tal-interessi (5). Anki transazzjonijiet fit-tul, bħalma huma titoli ta' ipoteki, iddaħħlu fis-suq fuq medda qasira ta' żmien peress li dawn ta' spiss ibiddlu l-proprjetarju tagħhom. Ir-raġunijiet għall-maġġoranza ta' dan il-kummerċ il-ġdid jistgħu jkunu kemm l-evitar tar-riskju kif ukoll spekulazzjoni.
2.2.1 L-evoluzzjoni tas-suq tad-derivattivi huwa aspett ġdid tas-sistema ekonomika, li mhux dejjem huwa marbut mal-ekonomija reali bl-istess mod bħalma huwa l-kapital tradizzjonali. Hemm bosta tipi ta' derivattivi, bħalma huma l-għażliet, il-futures, il-forwards u s-swaps, u dawn jistgħu jkunu bbażati pereżempju fuq il-prodotti differenti, il-kambju, ir-rati tal-interessi iżda wkoll fuq il-logħob tal-flus.
2.2.2 L-istatistika turi li kien hemm tnaqqis fil-kummerċ tad-derivattivi fit-tieni nofs tal-2008. Madankollu, it-tnaqqis ma kienx partikolarment kbir, kien biss tnaqqis għal-livell ta' tliet snin ilu. Barra minn hekk, fl-ewwel nofs tal-2009 l-amont reġa' beda jiżdied (6). Mill-ġdid, dawn il-bidliet applikaw primarjament għad-derivattivi tar-rata tal-interessi. Minn dan nistgħu nikkonkludu li ma tantx kien hemm tibdil fl-imġiba tas-settur finanzjarju. Min-naħa l-oħra, it-titolizzazzjoni, li hija l-kawża prinċipali tal-kriżi finanzjarja, prattikament ġiet eliminata mis-suq (7).
2.2.3 Fl-2007, eżatt qabel il-kriżi, is-settur finanzjaru kien jirrappreżenta 40 % tal-qligħ tal-kumpaniji kollha fl-Istati Uniti, filwaqt li s-sehem tiegħu tal-PDG kien biss ta' 7 % (8). Meta s-settur finanzjarju jieħu 40 % tal-profitti, dan ikun iddevja mir-rwol tiegħu bħala intermedjarju finanzjarju. F'dan ir-rigward, in-natura oligopolistika tas-settur finanzjarju f'ċerti pajjiżi mhiiex effiċjenti fil-finanzjament tiegħu tal-ekonomija reali.
2.2.4 Kien hemm ukoll konċentrazzjoni lejn xi ftit swieq – b'mod speċjali Londra u New York. Fl-istess ħin kien hemm konċentrazzjoni lejn xi ftit istituzzjonijiet finanzjarji kbar ħafna. Id-daqs tagħhom ħoloq l-islogan “kbar wisq biex infallu”, li min-naħa tagħhom ħolqu l-ħtieġa biex bosta gvernijiet isalvaw xi banek biex jevitaw li jikkollassa s-settur finanzjarju. Ammonti enormi ta' flus intefgħu f'dan is-settur, li wassal għal defiċits baġitarji mingħajr preċedent.
2.3 Fir-rapport ta' de Larosière tressqu bosta proposti biex tinbidel is-sistema finanzjarja sabiex fil-futur ma jitħallewx jiżviluppaw kriżijiet (9). Dan malajr ġie segwit minn erba' proposti għal regolamenti fuq is-superviżjoni fil-livelli makro u mikro tas-settur finanzjarju mill-Kummissjoni (10) kif ukoll bosta proposti sabiex jinbidlu r-regoli fis-settur finanzjarju (11). Fl-istess ħin għaddejja diskussjoni taħraq fuq dan is-suġġett fl-Istati Uniti.
2.3.1 Il-proposti għal leġislazzjoni ġdida kienu prinċipalment dwar is-superviżjoni u r-regolazzjoni ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, bis-sostituzzjoni parzjali ta' xi ftit mill-awtoregolamentazzjoni tas-settur finanzjarju. Partijiet żgħar biss tal-proposti kienu mmirati lejn il-bidla fl-imġiba tas-settur finanzjarju. Ma tressqet l-ebda proposta biex jiġu rregolati l-istrumenti tas-settur finanzjarju, minkejja l-fatt li wħud mill-kawżi reali tal-kriżi finanzjarja jinsabu fosthom.
2.4 Lanqas ma kien hemm proposta formali tal-UE dwar taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF), għalkemm diskussjoni ġenerali rrankat sew tul dawn l-aħħar ftit snin. Skont il-KESE din it-taxxa jista' jkollha impatt deċiżiv fuq l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji u fuq l-istrumenti. Dan jista' jinkiseb permezz ta' tnaqqis ta' wħud mit-transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien li bħalissa qed jiddominaw.
2.4.1 Fil-laqgħa tagħha f'Pittsburgh, f'Settembru 2009, il-mexxejja tal-G-20 staqsew lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) sabiex iħejji rapport għal-laqgħa tagħhom li jmiss (Ġunju 2010) dwar il-firxa ta' għażliet li l-pajjiżi adottaw jew li qed jikkunsidraw biex is-settur finanzjarju jkun jista' jagħti kontribut ġust u sostanzjali lejn il-ħlas ta' kwalunkwe piżijiet assoċjati mal-intervenzjonijiet tal-gvern bil-għan li tissewwa s-sistema bankarja. Fir-rapport preliminari tal-Fond Monetarju Internazzjonali li ġie ppreżentat f'April 2010, l-enfasi kienet fuq il-miżuri li jirribattu kriżijiet finanzjarji futuri, prinċipalment tariffa għall-istabbilità finanzjarja flimkien ma' skema ta' riżoluzzjoni. F'din l-opinjoni l-KESE mhux ser jagħmel kummenti speċjali fuq dawn il-proposti u se jillimita lilu nnifsu għad-diskussjoni qasira tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar TTF għall-kriżi attwali.
2.4.2 Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport de Larosière, il-KESE bi prinċipju qabel ma' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji: “Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' bidla minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta' żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”. F'din l-opinjoni l-KESE jixtieq jieħu sehem fid-diskussjonijiet li għaddejjin u jelabora iktar fuq l-objettivi u l-effetti ta' din it-taxxa.
3. Introduzzjoni
3.1 Il-proposta inizjali għal taxxa fuq it-transazzjonijiet fit-titoli ġiet formulata minn J.M. Keynes fl-1936 biex titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti fl-ekwitajiet u biex jissaħħu l-fundamentali tal-bażi tal-prezzijiet tal-ishma fuq il-perijodu fit-tul.
3.2 Tul is-snin sebgħin James Tobin ippropona taxxa għat-transazzjonijiet tal-valuta, “it-taxxa Tobin”, biex titnaqqas l-ispekulazzjoni destabbilizzanti tal-valuta. Bil-moviment ħieles tal-kapital, l-attakki spekulattivi fuq il-valuti saru iktar faċli. L-għan tiegħu kien li jitrażżan is-suq finanzjarju biex jiġi allinjat aktar mal-ekonomija reali u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-politika monetarja. It-taxxa kellha tapplika għal transazzjonijiet fil-pront fil-valuta u b'rata tat-taxxa ta' 0,5 %. Għalkemm ma kinitx immirata għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha (it-transazzjonijiet fil-pront huma inqas minn 10 % tat-transazzjonijiet dinjija), l-għan tagħha kien bħal wieħed mill-għanijiet li qed jiġu diskussi attwalment – li jitnaqqsu t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien.
3.2.1 Tobin issuġġerixxa li d-dħul mit-taxxa jintbagħat lill-FMI jew lill-Bank Dinji, iżda d-dħul ma kienx l-għan prinċipali tiegħu: “Iktar ma t-taxxa tirnexxi fl-objettivi ekonomiċi li oriġinarjament immotivawni … inqas ser tagħmel dħul …” (12).
3.3 L-idea ta' taxxa kienet reġgħet feġġet tul il-kriżi finanzjarja tal-2008, din id-darba mhux biss għat-transazzjonijiet tal-valuta iżda għat-transazzjonijiet finanzjarji kollha. ta' min jinnota li anki b'dan il-kamp ta' applikazzjoni wiesa', din ma tinkludix transazzjonijiet finanzjarji fejn huma involuti l-familji u l-intrapriżi. Din għandha tiġi limitata għal transazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji. Fost dawk li huma favur it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji nsibu bosta tipi ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ekonomisti, persuni fis-settur finanzjarju bħal Lord Turner, il-President tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji Brittannika, u issa l-Kunsill Ewropew ukoll fil-proposti tiegħu għal-laqgħa tal-G20 fis-17 ta' Ġunju 2010 (13). Fost dawk kontra l-introduzzjoni tat-TTF huma l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-OECD u l-Bank Dinji.
3.4 X'inhuma l-objettivi ewlenin ta' din it-taxxa? Fejn għandha tiġi applikata? Kemm għandha tkun għolja? Tista' tiġi applikata f'pajjiż wieħed jew jeħtieġ li tiġi applikata fl-UE kollha, jew fid-dinja kollha? X'riżultati nistgħu nistennew? Qed niddiskutu dawn il-mistoqsijiet u qed nagħtu xi ċifri bbażati fuq studji mill-Istitut Awstrijaku għar-Riċerka Ekonomika (WIFO) (14), miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u ta' Politika (CEPR – Center for Economic and Policy Research) u mill-Istitut tar-Riċerka dwar l-Ekonomija Politika (PERI – Political Economy Research Institute, fl-Università ta' Massachusetts, Amherst) (15).
3.5 Mekkaniżmu sabiex tiġi influwenzata l-imġiba fis-settur finanzjarju, wara d-diskussjonijiet minn Keynes u Tobin, huwa permezz tal-effett tat-TTF fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien. Minħabba l-frekwenza tal-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien, TTF tgħolli l-ispejjeż tat-transazzjonijiet meta mqabbla mat-transazzjonijiet fit-tul. Billi jibdlu l-ispejjeż relattivi, il-gvernijiet ikunu jistgħu, b'dan il-mod, jiggwidaw lis-settur finanzjarju permezz tal-użu tal-mekkaniżmu tal-prezz tas-suq, biex jiddependi aktar fuq l-elementi fundamentali fit-tul tal-ekonomija reali.
4. Għanijiet
4.1 Ħarsa dettaljata lejn is-suq finanzjarju turi li l-volum żdied l-iktar minħabba transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien, ħafna drabi ta' natura spekulattiva jew ta' kopertura tar-riskju. Meta mqabbla mal-ekonomija reali, ħafna minn dawk it-transazzjonijiet huma eċċessivament kbar. Peress li l-varjazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien għandhom tendenza li jwasslu għal varjazzjonijiet kbar fit-tul tal-prezzijiet tal-assi, dawn jistgħu jiddevjaw ukoll mill-iżvilupp tal-ekonomija reali (16). Uħud minn dawn it-transazzjonijiet finanazjarji ġew imsejħa wkoll soċjalment inutli minn Lord Turner.
4.1.1 Għalhekk, skont il-KESE, l-ewwel għan ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji għandu jkun li tinbidel l-imġiba attwali fis-settur finanzjarju billi jitnaqqsu t-transazzjonijiet finanzjarji spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien. It-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien jirrappreżentaw il-maġġoranza taż-żieda fl-attività tas-settur finanzjarju fl-ewwel għaxar snin tas-seklu 21. Is-settur finanzjarju għandu jerġa' jerfa' r-responsabbiltajiet permanenti tiegħu għall-ekonomija reali.
4.1.2 Fir-rapport tiegħu, il-Fond Monetarju Internazzjonali jsemmi l-effetti ta' mġiba ta' TTF, iżda bħala element negattiv. Fost l-aspetti negattivi msemmija hemm imniżżel li dan mhuwiex mod kif tiġi ffinanzjata sistema futura ta' riżoluzzjoni. Dan qatt ma kien objettiv ta' TTF. Oġġezzjoni oħra hija li huwa aħjar li jiġu intaxxati direttament dawk it-transazzjonijiet li preferibbilment għandhom jonqsu. Dan huwa eżattament x'jiġri meta t-TTF tolqot lit-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien b'intensità kbira.
4.1.3 Tnaqqis fil-volum tal-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien inaqqas ukoll is-sehem tiegħu tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan ifisser sehem miżjud ta' attivitajiet oħra, bħal pereżempju dik ta' intermedjarju bejn min ifaddal u min jissellef. Is-settur finanzjarju mhuwiex għan aħħari fih innifsu, iżda strument biex jinkisbu għanijiet oħra fl-ekonomija. Settur finanzjarju effiċjenti jalloka t-tfaddil għall-aħjar użu tagħhom għall-investimenti fl-ekonomija reali.
4.1.4 L-attivitajiet bankarji tradizzjonali huma bbażati fuq is-self lin-negozji u lill-familji, fejn il-profitti huma ġġenerati mid-differenza fir-rati ta' interessi. Biex jappoġġjaw il-konsumaturi tagħhom, il-banek jgħinuhom jagħmlu l-flus fis-swieq kapitali, jipproteġu u jkopru l-iskoperturi tal-valuti u tal-komoditajiet marbutin man-negozji internazzjonali u jagħmlu wkoll hedging tal-futures komoditarji marbutin mal-biedja. Billi jipprovdu dawn is-servizzi, il-banek jikkumpensaw għar-riskji tagħhom stess meta jagħmlu transazzjonijiet ma' banek oħra, ġeneralment f'ħin reali. Is-servizz għall-konsumaturi jista' jinvolvi għadd ta' transazzjonijiet fuq medda ta' żmien qasira ħafna. Barra minn hekk, il-banek jagħmlu wkoll profitti mill-bejgħ u x-xiri tat-titoli u d-derivattivi fejn jintużaw flus il-bank stess. Dan kollu m'għandux jiġi eliminat mis-suq finanzjarju peress li parzjalment dan jirrappreżenta l-kummerċ interbankarju biex tkun assigurata l-likwidità. Iżda jekk TTF tnaqqas sew dan il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien tat-titoli u d-derivattivi, din ser tnaqqas ukoll il-profitti fis-settur finanzjarju, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-bonusijiet u d-dħul mit-taxxa. L-attivitajiet bankarji tradizzjonali bilkemm ser jiġu affettwati u l-profitti futuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji ser ikunu aktar baxxi u jiddependu l-aktar fuq l-attivitajiet tas-servizzi bankarji tradizzjonali.
4.1.5 Jeżistu fehmiet differenti ħafna fil-letteraturi, iżda effett jista' jkun tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet tal-assi. Permezz ta' inqas azzjonijiet spekulattivi, il-prezzijiet tal-assi jistgħu jsiru aktar stabbli. Il-fehma alternattiva hija li l-kummerċ okkażjonali jista' jkun instabbli u jsir kif ġie ġie mingħajr l-effett li jtaffi tal-volum.
4.1.6 Permezz ta' sinteżi tal-effetti potenzjali ta' TTF fuq l-imġiba ta' istituzzjonijiet finanzjarji differenti aħna nixtiequ nenfasizzaw li dawn il-bidliet jistgħu jnaqqsu l-kummerċ bi frekwenza għolja. Id-diffikultajiet finanzjarji l-ġodda matul l-2010, kif ukoll it-tiftix tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-UE għal metodi ta' finanzjament għal kriżijiet finanzjarji futuri m'għandhomx itellfuna din l-opportunità għal titjib tas-settur finanzjarju.
4.2 L-objettiv ewlieni l-ieħor ta' TTF huwa d-dħul pubbliku. TTF ser tiġbor ammont konsiderevoli ta' dħul. Id-diskussjoni dwar għalxiex għandu jintuża dan id-dħul il-ġdid tinvolvi appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-finanzjament tal-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew l-aġevolar tal-piż fuq il-finanzi pubbliċi maħluqa mill-kriżi finanzjarja. Wara d-diskussjonijiet politiċi reċenti fi ħdan l-UE, x'aktarx l-użu jkun bħala sors ta' dħul pubbliku.
4.2.1 Skont il-Kummissjoni ġie approvat appoġġ finanzjarju sa 30 % tal-PDG tal-UE. Bl-esklużjoni tal-garanzija dan jitla' għal 13 %. Dan il-persentaġġ irid jiġi rduppjat għar-Renju Unit. Meta nikkunsidraw din l-ispiża pubblika involuta biex is-settur finanzjarju jegħleb din il-kriżi, wieħed għandu jinnota kważi nofsha ma ntużatx u li parti kbira minnha ser titħallas lura aktar 'il quddiem. It-13 % japplika għall-kontribut kapitali (ekwità bankarja), xiri ta' assi u appoġġ dirett. Jidher li bosta mill-garanziji lanqas biss jintużaw.
4.2.2 Id-dħul mit-TTF għall-bidu jista' jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż li jkun fadal. Fejn l-akbar ammonti tal-flejjes pubbliċi kellhom jintużaw biex jiġu salvati l-banek, l-akbar dħul ukoll għandu jinġabar minn TTF minħabba l-konċentrazzjoni tas-suq finanzjarju. Iżda t-total tal-ispejjeż pubbliċi kien ħafna ogħla inklużi t-telf tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-ispejjeż tal-istabbilizzaturi awtomatiċi, pagamenti ogħla tar-rata ta' interessi fuq is-self pubbliku, eċċ. Anki l-Fond Monetarju Internazzjonali jgħid li l-ogħla spejjeż fiskali, ekonomiċi u soċjali tal-kriżi finanzjarja jissuġġerixxu kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għad-dħul ġenerali lil hinn mill-kopertura tal-ispejjeż fiskali tal-appoġġ dirett (17).
4.2.3 Fil-futur it-TTF għandha titqies minflok bħala sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku. Minħabba li s-servizzi finanzjarji huma eżentati mill-VAT biex l-utenti tas-servizzi bankarji jħallsu inqas taxxa għas-servizzi finanzjarji milli għall-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħra, kif ukoll minħabba l-profitti kbar fis-settur finanzjarju, jidher li huwa speċjalment ġustifikat li dan is-settur jiġi ntaxxat aktar.
4.2.4 Skont studju li sar mill-OECD, fl-2011, l-Istati Uniti ser ikunu responsabbli għal kważi nofs id-defiċit pubbliku tal-pajjiżi kollha tal-OECD. Fl-istess sena, id-defiċit baġitarju bħala persentaġġ tal-PDG huwa maħsub li ser ikun madwar 6 % fiż-żona tal-euro. L-isfidi reali mhumiex biss fil-pajjiżi fiż-żona tal-euro, bħall-Greċja, iżda wkoll fir-Renju Unit fejn huwa maħsub li ser ikun ta' madwar 12 %.
4.2.5 Alternattiva għal TTF diskussa fir-rapport preliminari tal-Fond Monetarju Internazzjonali hija t-Taxxa fuq l-Attività Finanzjarja (TAF) li tiġi applikata fuq profitti u remunerazzjonijiet. Din hija mod sempliċi kif jiġu ntaxxati l-attivitajiet finanzjarji, iżda l-aktar differenza importanti meta mqabbla mat-TTF hija li t-TAF tintaxxa kull tip ta' attività mingħajr l-ebda effetti differenti fuq transazzjonijiet fit-tul u dawk fuq medda qasira ta' żmien. Din hija biss mod kif jiżdied id-dħul mit-taxxi li ġejjin mill-banek.
4.2.6 Anki b'rata uniforma ta' taxxa, it-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji fuq inizjattiva tagħhom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà. Għalkemm huwa importanti li wieħed jikkonċentra fuq kif TTF ser tkun l-aktar effiċjenti possibbli bħala strument għas-settur finanzjarju, għandha titqies ukoll l-inċidenza tat-taxxa. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (18) hemm imniżżel li sorsi innovattivi ħafna drabi huma meqjusa li għandhom il-vantaġġ li jiġu politikament aċċettati aktar, b'mod partikolari fejn il-piż fiskali jiġi impost fuq gruppi jew setturi li huma kkunsidrati li attwalment mhux qed jerfgħu s-sehem ġust tagħhom tal-piż fiskali.
4.2.7 Il-Parlament Ewropew staqsa lill-Kummissjoni biex “telabora, biżżejjed minn qabel is-Samit tal-G20 li jmiss, valutazzjoni tal-impatt ta' taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li tesplora kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi” (19). Bl-istess mod, il-KESE jista' jara bosta aspetti tekniċi tat-TTF li jridu jiġu studjati. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal imressaq mill-Kummissjoni (20) ma jissodisfax bis-sħiħ il-proposti mill-Parlament Ewropew. Għalhekk il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt kompleta flimkien ma' proposta formali għal TTF.
5. Strutturar
5.1 Kamp ta' applikazzjoni
5.1.1 Il-bażi fiskali m'għandhiex tikkonsisti biss fi transazzjonijiet internazzjonali iżda fit-transazzjonijiet finanzjarji kollha. Anki jekk il-kelma “kollha” tiġi użata, hemm limitu f'ħafna mill-kalkoli jew għat-tip ta' transazzjonijiet koperti jew għall-valur tat-transazzjoni li trid tiġi ntaxxata. Fl-istudju li sar mis-CEPR/PERI ġew studjati diversi bażijiet fiskali. Fl-istudju tal-WIFO ntgħażel varjant li jinkludi kollox.
5.1.2 Wieħed mill-kriterji għall-għażla ta' transazzjonijiet li għandhom jiġu ntaxxati għandu jiffoka fuq dawk li huma fuq l-iqsar medda ta' żmien. Punt tat-tluq ieħor huwa li jkollha kamp ta' applikazzjoni l-aktar wiesa' possibbli. It-tielet aspett hu jekk għandhiex tkun immirata lejn swieq nazzjonali jew tinkludi wkoll dawk barranin.
5.1.3 Jekk jiġu inklużi kemm it-transazzjonijiet nazzjonali kif ukoll dawk barranin, din tkun tkopri t-transazzjonijiet finanzjarji kollha. Ix-xewqa li ma tinħoloqx distorsjoni fl-ekonomija reali tista' tkun argument biex jiġu esklużi t-transazzjonijiet fil-pront.
5.1.4 Li ma jiġux inklużi t-transazzjonijiet kollha ser ikollu xi effetti fuq is-sitwazzjoni kompetittiva għal transazzjonijiet differenti. Dawn l-effetti huma mixtieqa jekk dawn iqiegħdu piż akbar fuq it-transazzjonijiet spekulattivi fuq medda qasira ta' żmien milli fuq transazzjonijiet nonspekulattivi fuq medda twila ta' żmien. Dan fil-fatt ser ikun il-każ peress li iktar ma jkunu frekwenti t-transazzjonijiet iktar din it-taxxa ser tolqothom.
5.1.5 L-użu tal-valur kunċettwali ta' transazzjoni finanzjarja bħala l-bażi għal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji ġie kkritikat li huwa bażi kważi fittizja. Il-flus li fil-fatt jirċievu l-istituzzjonijiet finanzjarji mill-kummerċ fid-derivattivi, il-ħlas, il-primjum jew kwalunkwe spiża għax-xerrejja, jistgħu jiġu intaxxati bħala alternattiva għal TTF. L-iżvilupp tat-transazzjonijiet finanzjarji li użaw valuri kunċettwali relatati mal-PDG, huwa, għallinqas fil-fehma tal-KESE, l-aktar miżura utli partikolarment biex turi l-bidliet fiż-żmien tal-volumi skambjati fis-suq finanzjarju.
5.2 Kamp ta' applikazzjoni ġeografiku
5.2.1 It-TTF għandha tkun nazzjonali, reġjonali (għall-UE) jew dinjija? Mingħajr dubju taxxa globali hija ppreferuta. Jekk dan mhuwiex possibbli, żgur li hemm każ biex din tkun tkopri l-UE kollha. Iżda xorta hemm eżempji li juru li anki taxxa nazzjonali hija possibbiltà, b'mod partikolari għal pajjiżi b'settur finanzjarju kbir. Wieħed jista' jistenna li din ikollha effetti kbar fuq fejn iseħħ il-kummerċ. Madankollu l-esperjenza turi li din ma tidhirx li hija problema (21).
5.2.2 L-introduzzjoni ta' taxxa fuq l-assi dejjem tnaqqas il-valur tal-assi, iżda din taffettwa fejn iseħħ il-kummerċ? Studju kkalkula li l-bolla fir-Renju Unit ta' 0,5 % fuq l-ekwitajiet u xi bonds naqqset l-introjtu b'20 % u għalhekk ma jistax jingħad li dan id-dazju naqqas il-kummerċ f'Londra (22).
5.3 Ir-rata tat-taxxa
5.3.1 Ġew proposti livelli differenti għar-rata tat-taxxa, bejn 0,1 u 0,01 %. Dik li l-iktar tissemma hija ta' 0,05 %. B'sistema globali, aħna nirrakkomandaw TTF b'rata tat-taxxa bħal din. Din ir-rata hija tant baxxa li tista' tiġi introdotta mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jkun hemm effetti kbar fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien tant li jitgħawweġ il-funzjonament tas-suq finanzjarju. Jekk tiġi introdotta TTF bħala sistema Ewropea, għandha tiġi kkunsidrata rata aktar baxxa.
5.3.2 Bi mġiba mibdula fis-settur finanzjarju li tiddependi aktar fuq elementi fundamentali fit-tul, u fl-istess ħin fuq dħul pubbliku miżjud, it-TTF għandha dak li jissejjeħ dividend doppju. Iżda huwa wkoll evidenti li iktar ma tkun għolja r-rata tat-taxxa, ikbar ikun l-effett fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien skambjati u b'konsegwenza, iżgħar ikun id-dħul. Għalhekk għandha tinstab rata tat-taxxa li twassal għal bilanċ bejn iż-żewġ objettivi tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – bidla fl-imġiba u fid-dħul tat-taxxa.
5.3.3 L-eżempji kollha mid-dinja reali juru li t-taxxi u l-imposti oħra dejjem kienu tqiegħdu fuq xi transazzjonijiet finanzjarji – iżda mhux fuq kollha. Meta taxxa tiġi applikata għat-transazzjonijiet kollha wieħed ma jistax ikun jaf l-effetti tagħha minn qabel. Għalhekk ir-rata tat-taxxi tkun trid terġa' tiġi evalwata pereżempju wara tliet snin sabiex jiġi eżaminat jekk din għandhiex togħla jew titbaxxa.
5.4 Fattibiltà
5.4.1 Kwistjoni ta' natura oħra hija dwar kemm hu faċli tinġabar din it-tip ta' taxxa. Il-biċċa l-kbira tat-transazzjonijiet li din it-taxxa hija proposta għalihom diġà huma kompjuterizzati. Dan ifisser li prattikament mhemm l-ebda spiża amministrattiva, teknika jew ekonomika biex tiġi introdotta din it-taxxa. Ovvjament irid jiġi żviluppat programm speċjali tal-kompjuter. Diġà qed isiru xi testijiet.
5.4.2 Jeħtieġ li jiġu vverifikati l-ħolqien u l-eżistenza ta' prodotti finanzjarji innovattivi li mhumiex intaxxati jew li huma deliberatament maħluqa biex jevitaw it-tassazzjoni. Dawn iridu jiġu inklużi fil-bażi tat-taxxa.
5.4.3 S'issa għad mhemmx suq kompjuterizzat għat-transazzjonijiet mhux regolati. F'dan ir-rigward qiegħda titħejja leġislazzjoni tal-UE. Il-ħtieġa li jiġi inkluż suq mhux irregolat fil-kummerċ organizzat juri li r-regolament u t-taxxi bħalma hi t-taxxa fuq it-TFF huma komplementari u mhux alternattivi.
6. Effetti
6.1 Tnaqqis tat-transazzjonijiet finanzjarji fuq medda qasira ta' żmien
6.1.1 Ma hemm l-ebda stimi preċiżi ta' kemm il-kummerċ fuq medda qasira ta' żmien jista' jiġi affettwat minn taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Nistgħu biss nassumu. Hemm problema reali meta tiġi diskussa t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. Għalhekk m'għandna l-ebda statistika għall-iskop prinċipali tat-tnaqqis tal-kummerċ finanzjarju fuq medda qasira ta' żmien. L-uniċi stimi ta' statistika li għandna huma għall-ammont possibbli tad-dħul tat-taxxa.
6.1.2 Wieħed mill-effetti tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji hu li din tnaqqas empirikament il-likwidità. Iżda x'inhu l-aħjar ammont ta' likwidità? L-ekonomiji kienu jrendu aħjar milli kienu rendew fl-1990 jew l-2000 bil-likwidità għolja immens li kienet teżisti fl-2007? Il-likwidità hija ekwivalenti għall-ammont totali tat-transazzjonijiet finanzjarji? Ir-risposta għandha tkun “le” meta bosta minn dawk it-transazzjonijiet huma bbażati fuq l-istess titoli u għalhekk l-ammont totali tat-transazzjonijiet ma jistax ikun stima tajba ħafna tal-likwidità “reali”. Jekk nerġgħu nikkunsidraw l-iskop ewlieni tas-settur finanzjarju bħala medjatur finanzjarju, jidher li huwa relevanti li nallinjaw il-likwidità għal-livell tal-PDG. Mingħajr m'għandna opinjoni dwar kemm għandu jkun kbir it-tnaqqis eżattament, għandu jkun ċar li l-bidla għandha ssir fid-direzzjoni tat-tnaqqis tal-likwidità mil-livell tal-2007.
6.1.3 Peress li TFF tolqot l-agħar lit-transazzjonijiet l-aktar frekwenti għandu jkun hemm ukoll, apparti tnaqqis fin-numru ta' transazzjonijiet, bidla bejn it-transazzjonijiet fuq medda twila ta' żmien u dawk fuq medda qasira. Raġuni li ngħatat kontra taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji hi li din tista' żżid in-nuqqas ta' trasparenza tas-suq finanzjarju peress li t-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien ikunu inqas frekwenti. Minħabba l-livell attwali ta' dawn it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien, lanqas tnaqqis kbir mhu ser jelimina it-transazzjonijiet minn jum għal jum kollha. Ma jistax jingħad li dan l-aspett tas-settur finanzjarju ma kienx trasparenti pereżempju fis-sena 2000.
6.1.3.1 Kif ġie deskritt fl-istudju tal-WIFO, l-użu miżjud tad-derivattivi wassal għal żieda kbira żżejjed fil-prezzijiet fuq medda qasira ta' żmien kif ukoll f'dawk fuq medda twila. Użu mnaqqas ta' derivattivi bi sfond bħal dan jista' jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet fis-suq finanzjarju, iżda mhux bil-maqlub kif ġieli ngħad.
6.1.3.2 Il-kummerċ finanzjarju huwa distribwit kważi indaqs bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Ma jeżistux ċifri bħal dawn għad-distribuzzjoni bejn it-transazzjonijiet fuq medda qasira u twila ta' żmien.
6.2 L-ammont tad-dħul pubbliku
6.2.1 L-istudju tal-WIFO jassumi li l-volum tat-transazzjonijiet, li huwa ntaxxat, ser jitnaqqas b'65 % jekk ir-rata tat-taxxa tkun 0,05 %. Rata tat-taxxa iktar baxxa hija kkalkulata biex twassal għal inqas tnaqqis fit-transazzjonijiet, u rata ogħla biex twassal għal iżjed tnaqqis.
6.2.1.1 Skont dan l-istudju, jekk taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tiġi applikata biss għar-Renju Unit, din ser twassal għal dħul mit-taxxa ta' kważi 7 % tal-PDG tiegħu. Fil-Ġermanja, il-pajjiż tal-UE bl-akbar sehem ta' dawn it-transazzjonijiet finanzjarji wara r-Renju Unit, id-dħul ikun ftit iktar minn 1 % tal-PDG. Jekk tiġi applikata madwar l-UE, id-dħul mit-taxxa ser ikun madwar 1,5 % tal-PDG, fejn il-biċċa l-kbira tad-dħul ikun ġej mis-suq finanzjarju tar-Renju Unit. Jekk tiġi applikata mad-dinja kollha, id-dħul mit-taxxa jkun madwar 1,2 % tal-PDG dinji.
6.2.2 Fl-istudju tas-CEPR/PERI, l-alternattivi għal kemm ser jitnaqqas il-kummerċ huma bejn 25 % u 50 %. Sabiex ikunu kumparabbli maċ-ċifri mogħtija fl-istudju tal-WIFO, aħna qed nagħtu biss ċifri għal tnaqqis ta' 50 % tal-bażi tat-taxxa. Iċ-ċifri f'dan l-istudju huma mogħtija għal tipi separati ta' assi skambjati. Iċ-ċifri għad-dollaru tal-Istati Uniti f'dan l-istudju huma mibdula f'ishma tal-PDG tal-Istati Uniti.
— |
Stokks u ekwitajiet 0,75 % |
— |
Bonds 0,18 % |
— |
Għażliet 0,03 % |
— |
Transazzjonijiet fil-pront fil-valuta barranija 0,05 % |
— |
Futures 0,05 % |
— |
Swaps 0,16 % |
— |
TOTAL 1,23 % |
6.2.3 Iż-żewġ studji jagħtu riżultati li huma bejn wieħed u ieħor l-istess kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Istati Uniti. Mill-istudju tas-CEPR/PERI nistgħu naraw ukoll li t-transazzjonijiet fil-pront jirrappreżentaw parti żgħira ħafna tat-total tat-transazzjonijiet.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Data mill-Bank for International Settlements (BIS).
(2) Ir-rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318/11, 23.12.2009, p. 57.
(3) Kumpanija ta' servizzi finanzjarji fuq livell dinji.
(4) Stephan Schulmeister, A General Financial Transaction Tax (Taxxa ġenerali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji), WIFO Working Papers 344/2009.
(5) Bank for International Settlements (BIS); f'Davas/ von Weizsäcker, Financial Transaction Tax: Small is Beautiful (It-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji: iż-żgħir huwa sabiħ), 2010
(6) Ibid. FN 5.
(7) H.W. Sinn waqt preżentazzjoni tar-Rapport Ekonomiku għall-2010 tal-Grupp Konsultattiv Ekonomiku Ewropew, 23.2. 2010, Brussell
(8) Helene Schubert, Bank Nazzjonali tal-Awstrija.
(9) Ir-rapport tal-Grupp de Larosière – ĠU C 318/11, 23.12.2009, p. 57
(10) Ara ECO/268 - CESE 100/2010: Is-superviżjoni makroprudenzjali u mikroprudezjali ĠU C 318/11, 23.12.2009, p.57
(11) L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu - ĠU C 277/25, 17.11.2009, p. 117
“Prospett li għandu jiġi ppubblika meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ” u “L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat”, ĠU C….
(12) Tobin, James: A Proposal for International Monetary Reform (Proposta għar-riforma tas-sistema monterja internazzjonali), 1978
(13) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010: “L-UE għandha tkun minn ta' quddiem fit-tmexxija tal-isforzi sabiex jiġi stabbili approċċ globali għall-introduzzjoni ta' sistemi għal imposti u taxxi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji bil-għan li jinżamm livell ugwali madwar id-dinja kollha, u ser tiddefendi bis-sħiħ din il-pożizzjoni mal-imsieħba tagħha tal-G20. L-introduzzjoni ta' taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji għandha tiġi esplorata u żviluppata aktar f'dak il-kuntest.” (traduzzjoni provviżorja).
(14) Stephan Schulmeister, A General Financial Transaction Tax, WIFO Working papers 344/2009.
(15) Baker, Pollin, McArthur, Sherman: The Potential Revenue from Financial Transactions Taxes. CEPR/PERI, December 2009
(16) Ibid. nota 14 f'qiegħ il-paġna…
(17) IMF, “A fair and substantial contribution by the financial sector” (Kontribut ekwu u sostanzjali mis-settur finanzjarju). Rapport intermedju għall-G20.
(18) SEC(2010) 409 Dokument Finali ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Finanzjament innovattiv f'livel globali (traduzzjoni provviżorja).
(19) PE432.992v01-00 Mozzjoni għal riżoluzzjoni.
(20) SEC(2010) 409 Finali
(21) Wieħed jista' jsib dazji tal-istess tip fil-Korea t'Isfel, Hong Kong, l-Awstralja, it-Tajwan u l-Indja u xi dazji simili oħra fil-Belġju, l-Arġentina u l-Brażil.
(22) The Institute for Fiscal Studies 2002: Stamp duty on share transactions: is there a case for change? (L-Istitut għall-Istudji Fiskali 2002: Id-dazju tal-bolla fuq it-tranazzjonijiet azzjonarji: hemm bżonn ta' bidla?) Kummentarju 89
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emendi li ġejjin ġew irrifjutati mis-sessjoni plenarja iżda ġabru mill-inqas kwart tal-voti mitfugħa:
Punt 1.10 – Emenda 1 mressqa mis-Sur Sartorius
Ibdel kif ġej:
“1.10 |
It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta' dħul jista' jintuża Dan jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta' żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku.” |
Raġuni:
There are Member States which have not used public funds to save banks and where the banks have therefore not been a burden on public finances. Nonetheless, it would be advisable to make provision for future crises, and clearly financial institutions should contribute to this fund which would be used exclusively to ensure that the failure of an insolvent institution is managed in an orderly way and does not destabilise the entire financial system.
Punt 4.2 - Emenda 4 mressqa mis-Sur Sartorius
Ħassar l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenzi u ibdilhom bit-test ġdid propost għal punt 1.10:
“4.2 |
Wara d-diskussjonijiet politiċi reċenti fi ħdan l-UE, x'aktarx l-użu jkun bħala sors ta' dħul pubbliku.” |
Raġuni
See reason for amendment to point 1.10.
Punt 4.2.3 - Emenda 5 mressqa mis-Sur Sartorius
Żid sentenza ġdida fl-aħħar tal-punt:
“4.2.3 |
Fil-futur it-TTF għandha titqies minflok bħala sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku. Minħabba li s-servizzi finanzjarji huma eżentati mill-VAT biex l-utenti tas-servizzi bankarji jħallsu inqas taxxa għas-servizzi finanzjarji milli għall-biċċa l-kbira tas-servizzi l-oħra, kif ukoll minħabba l-profitti kbar fis-settur finanzjarju, jidher li huwa speċjalment ġustifikat li dan is-settur jiġi ntaxxat aktar. |
Raġuni
It is generally accepted in relation to the management of public finances that, if the sole objective is to raise money, taxing transactions between companies is not to be recommended because of its potentially negative impact. It is better to tax the profit on transactions, as taxing the transactions themselves can have a cascade effect, driving up prices. There are more effective money-raising instruments.
Dawn it-tliet emendi t'hawn fuq ġew ivvutati flimkien.
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur |
: |
52 |
Voti kontra |
: |
91 |
Astensjonijiet |
: |
9 |
Punt 1.11 - Emenda 2 imressqa mis-Sur Sartorius
Ħassar l-aħħar sentenza:
“1.11 |
It-TFF ser tkun ta' natura progressiva peress li meta l-klijenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet infushom, ikunu qed jaffettwaw skambji għalihom infushom, dawn ikunu jirrappreżentaw l-aktar parti għanja tas-soċjetà. |
Raġuni
This is an unsubstantiated assertion. The financial sector contributes to tax revenue like any other sector. Which sector is the rapporteur comparing it with? Where are the figures to support this assertion?
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur |
: |
65 |
Voti kontra |
: |
102 |
Astensjonijiet |
: |
10 |
Punt 1.16 – Emenda 3 mressqa mis-Sur Sartorius
Żid punt ġdid wara l-punt 1.16:
“1.17 |
Raġuni
This is a fact which needs to be stated in the opinion. The tax will have a negative impact on the financing of the real economy at a very critical time.
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur |
: |
62 |
Voti kontra |
: |
116 |
Astensjonijiet |
: |
4 |
It-test mill-opinjoni tas-Sezzjoni li ġie rrifjutat u minfloku ntagħżlet emenda adottata mill-assemblea b'mill-inqas kwart tal-voti mitfuqgħa favur iż-żamma tat-test tal-opinjoni tas-Sezzjoni.
Punt 5.3.1 - Emenda 8 mressqa mis-Sur Nyberg
Immodifika l-punt kif ġej:
“5.3.1 |
Ġew proposti livelli differenti għar-rata tat-taxxa, bejn 0,1 u 0,01 %. Dik li l-iktar tissemma hija ta' 0,05 %. ħna nirrakkomandaw TTF b'rata tat-taxxa bħal din. Din ir-rata hija tant baxxa li tista' tiġi introdotta mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li jkun hemm effetti kbar fuq it-transazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien tant li jitgħawweġ il-funzjonament tas-suq finanzjarju. |
Riżultat tal-votazzjoni:
Voti favur |
: |
102 |
Voti kontra |
: |
52 |
Astensjonijiet |
: |
15 |
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/90 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/15
Relatur: is-Sur JANSON
Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Id-dimensjoni soċjali tas-suq intern
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, li kienet responsabbli mit-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fil-5 ta’ Mejju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’143 vot favur, 15-il vot kontra u 19-il astensjoni.
1. Sommarju
1.1 Id-dimensjoni soċjali hija element essenzjali tas-suq intern u għandha diversi aspetti Fost affarijiet oħra, din l-opinjoni tittratta l-aspetti ekonomiċi u legali. Żviluppi reċenti qajmu mistoqsijiet dwar il-kapaċità tad-dimensjoni soċjali li tipproteġi l-ħaddiema. Is-suq intern ma jistax jaħdem tajjeb mingħajr dimensjoni soċjali b’saħħitha u mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini.
1.2 Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-UE għandha rwol importanti x’taqdi fil-kamp soċjali minħabba li l-problemi soċjali ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom. Sabiex jinħolqu l-aċċettazzjoni politika, is-solidarjetà u l-koerenza, l-UE għandha titfa’ aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali tal-politiki tagħha.
1.3 Numru ta’ żviluppi negattivi, fost fatturi oħra, poġġew id-dimensjoni soċjali fil-periklu. L-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja l-aktar sfida serja tagħha f’għexieren ta’ snin. Tħallew jikbru l-hekk imsejħa bżieżaq finanzjarji filwaqt li l-mekkaniżmi ta’ kontroll u l-valutazzjonijiet tradizzjonali tar-riskju tħallew fil-ġenb. B’riżultat ta’ dan żdied il-qgħad, u s-swieq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali ser ikomplu jmorru lura. Għalhekk, il-qgħad għandu jibqa’ fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. L-Ewropa teħtieġ tkabbir sostenibbli u rata għolja ta’ okkupazzjoni flimkien ma’ suq tax-xogħol ta’ kwalità għolja sabiex tiffinanzja s-sistemi tas-sigurtà soċjali.
1.4 Matul l-aħħar għaxar snin, is-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu l-mira ta’ riformi bil-ħsieb li jippromovu aktar inċentivi effettivi tax-xogħol fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, sabiex jissaħħaħ il-valur tax-xogħol u n-nies jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol. Madankollu, wieħed mir-riżultati kien li żdiedet l-inugwaljanza u minħabba f’hekk kibru l-problemi soċjali. Is-sistemi tal-impjieg u s-sigurtà soċjali huma kruċjali sabiex jittaffu l-faqar u mingħajr il-benefiċċji soċjali ż-żieda fl-inugwaljanza u l-impatt soċjali tal-kriżi jkunu aktar mgħaġġla u serji. Id-deterjorament tal-finanzi nazzjonali f’ħafna Stati Membri, li wassal għal kriżi tad-dejn sovran attwali jew potenzjali, qed jagħmel pressjoni konsiderevoli fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali. Attività ekonomika msaħħa u sostenibbli, ir-regolazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-investimenti fir-riċerka u l-edukazzjoni huma xi wħud mis-soluzzjonijiet potenzjali għal din il-problema.
1.5 Is-suq intern huwa qasam fejn kemm id-dimensjoni soċjali kif ukoll dimensjonijiet oħra jistgħu jesprimu ruħhom. Biex jiffjorixxu, iridu jinħolqu tkabbir ekonomiku u impjiegi sostenibbli li min-naħa tagħhom jiġġeneraw dħul fiskali li jkun il-bażi għall-benefiċċji soċjali. Il-livelli tal-qgħad u l-iżbilanċji fiskali juru li hemm ħafna li jista’ jsir biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali.
1.6 Inxteħet id-dubju fuq l-aspetti legali tad-dimensjoni soċjali għax id-deċiżjonijiet tal-QĠE f’erba’ każijiet (Viking, Laval, Rüffert u Luxemburg) wasslu għal dibattitu mqanqal b’mod partikolari fiċ-ċrieki politiċi u akkademiċi dwar biżgħat potenzjali ta’ riskju dejjem jiżdied ta’ dumping soċjali. Il-Parlament Ewropew, id-dinja akkademika u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-impjegati (1) esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-deċiżjonijiet. Xi wħud oħrajn huma konvinti li d-deċiżjonijiet tal-QĠE f’dawn il-każijiet ser jikkontribwixxu għal tħaddim aħjar tas-suq intern.
1.7 Għalhekk il-KESE jitlob li:
|
Fil-perijodu l-qasir, il-KESE jappella sabiex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Il-KESE jipproponi li l-idea tal-ħolqien ta’ “Interpol Soċjali Ewropew” tiġi esplorata, b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Ispettorati tax-Xogħol tad-diversi Stati Membri. |
|
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fl-UE fid-dawl tad-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). |
|
Il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha mill-Kummissjoni li jsaħħu d-djalogu soċjali, fosthom:
|
|
Fil-perijodu l-medju, il-KESE jappoġġja inizjattiva tal-Kummissjoni li tiċċara l-obbligi legali għall-awtoritajiet nazzjonali, l-intrapriżi u l-ħaddiema hija u timplimenta d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u li tiżgura li dawn ir-regoli jkunu applikabbli b’mod universali. Il-KESE jqis il-proposta fir-rapport ta’ Monti, fejn id-dritt għall-istrajk huwa eżentat mis-suq intern, bħala waħda interessanti u jemmen li dan jista’ jsolvi xi wħud mill-problemi. Madankollu, dan m’għandux jeskludi reviżjoni parzjali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sabiex il-prinċipju tal-post tax-xogħol jiġi applikat b’mod konsistentili jagħmilha possibbli li l-liġi tistabbilixxi li l-istess kondizzjonijiet ta’ xogħol u ħlas għandhom japplikaw għall-istess xogħol fl-istess post. |
|
Fil-perijodu iktar fit-tul, l-Unjoni Ewropea għandha tistinka sabiex issaħħaħ id-dimensjoni soċjali u jinkiseb il-potenzjal sħiħ tas-suq intern. It-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta mehmuża tad-Drittijiet Fundamentali għadhom ma kellhomx l-impatt sħiħ fuq il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi. It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali jirrikjedi li jissaħħu d-drittijiet soċjali fundamentali u li kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinkludu d-drittijiet soċjali jkunu ferm restrittivi. Jista’ jkun hemm tibdil fit-trattat biex jinkiseb dan l-objettiv. |
2. Is-suq intern u d-dimensjoni soċjali
2.1 Fl-1987, il-KESE adotta opinjoni (2) dwar l-aspetti soċjali tas-suq intern. Il-KESE ppropona li l-Komunità Ewropea tiżgura numru ta’ drittijiet soċjali bażiċi marbuta mas-suq tax-xogħol. Huwa ried jiżgura li s-suq intern li kien tnieda reċentement ma jwassalx għal distorsjonijiet tas-suq, kif ukoll sabiex ikun enfasizzat li l-Komunità kellha wkoll miri soċjali. Id-dimensjoni soċjali tinkludi leġislazzjoni u ftehimiet li jkunu saru fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-impjegati jgawdu ċerti drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, dan jeħtieġ ukoll kooperazzjoni għall-finijiet tal-impjieg fl-UE.
2.2 Wara dik l-opinjoni, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat numru ta’ dokumenti li kienu l-bidu tal-iżvilupp ta’ interpretazzjoni aktar wiesgħa u profonda tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern (3). Skont il-Kummissjoni, id-dimensjoni soċjali tas-suq intern hija parti fundamentali ta’ dan il-proġett, minħabba li hija mhux biss mod kif jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u tikber il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, iżda wkoll tal-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi kollha disponibbli u mod kif jintlaħaq tqassim ġust tal-vantaġġi li joħorġu mis-suq uniku (4).
2.3 Fl-1989, il-KESE kien il-fulkru li wassal għat-tħejjija tal-kontenut tal-Kapitlu Soċjali li ta lill-ħaddiema d-drittijiet fundamentali soċjali li ma setgħux jiġu mhedda minħabba l-pressjoni tal-kompetizzjoni jew l-għan ta’ iżjed kompetittività. Fil-fehma tal-KESE, l-eżerċizzju ta’ drittijiet daqshekk fundamentali jassumi li m’hemm l-ebda restrizzjoni mingħajr ġustifikazzjoni.
2.4 Din l-opinjoni tipprova tiġbor xi wħud mill-iktar żviluppi reċenti importanti li jolqtu l-possibbiltajiet li titħaddem id-dimensjoni soċjali. Tul dawn l-aħħar snin, il-KESE adotta opinjonijiet oħra li jittrattaw id-dimensjoni soċjali u parti minn din l-opinjoni tkompli tibni fuqhom (5). Dak li hu ċar sa mill-bidu nett huwa li f’ekonomija soċjali tas-suq, is-suq intern ma jistax jaħdem tajjeb mingħajr dimensjoni soċjali qawwija jew l-aċċettazzjoni taċ-ċittadini Ewropej. Il-vantaġġi ta’ suq uniku li jaħdem sew huma ħafna u huma importanti għall-kumpaniji, għall-ħaddiema, għaċ-ċittadini u l-ekonomija b’mod ġenerali. Madankollu, mill-preambolu għat-trattati, jidher li s-suq uniku tfassal bħala strument biex iservi l-benesseri taċ-ċittadini, u mhux bħala għan fih innifsu.
2.5 B’hekk, hemm erba’ raġunijiet fundamentali għad-dimensjoni soċjali:
— |
il-moviment ħieles tal-persuni; |
— |
hemm drittijiet soċjali indiviżibbli u li kull soċjetà għandha tirrispetta, u li għandha tikkonforma magħhom f’kull ħin u kull mument; dawn jinkludu d-dritt għall-azzjoni kollettiva, il-libertajiet tat-trejdjunjins u tan-negozjar kollettiv u d-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej dwar id-drittijiet soċjali u personali; |
— |
sabiex jissaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern u jittaffew il-konsegwenzi negattivi tiegħu, fosthom tar-ristrutturar, sabiex tinħoloq l-aċċettazzjoni tal-proġetti politiċi u ekonomiċi kif ukoll sabiex titħeġġeġ il-koeżjoni soċjali; |
— |
il-politika soċjali hija wkoll fattur importanti tal-kompetittività mtejba. |
2.6 Il-“politika soċjali” hija kompetenza konġunta bejn il-livell nazzjonali u Ewropew. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet f’dan il-qasam iffokaw fuq it-twaqqif tal-moviment ħieles għall-ħaddiema kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment għall-finijiet tas-suq intern. Madankollu, id-dimensjoni soċjali bdiet issir iktar prominenti. Sussegwentement, it-trattati estendew il-votazzjoni b’maġġoranza f’oqsma bħal-leġislazzjoni għall-opportunitajiet indaqs, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għall-politiki li jgħinu lill-persuni qiegħda. Iżda l-leġislazzjoni ma kellhiex (u m’għandhiex) bażi legali sabiex tkopri oqsma bħall-pagi, id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt tal-istrajk jew li jiġu imposti lock-outs anke jekk id-deċiżjonijiet tal-QĠE u l-leġislazzjoni tal-UE jkopru dawn il-kwistjonijiet. It-Trattat ta’ Nizza fformalizza l-istatus tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-Trattat ta’ Lisbona ser ikompli jestendi d-drittijiet billi jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali vinkolanti.
2.7 Il-politiki soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-isfidi soċjali li jirriżultaw mill-iżviluppi globali jew Ewropej jaffettwaw lill-popli li joqogħdu fl-Istati Membri, u għalhekk jinħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat. L-UE indirizzat il-problema ta’ kompetenzi doppji billi użat metodi differenti. Hija ppruvat iżżomm in-normi soċjali billi ddeċidiet dwar numru ta’ standards minimi. Metodu ieħor huwa l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK). L-MMK jista’ jintuża aħjar u b’mod iktar effettiv billi juża l-approċċ li għadu dieħel ta’ “prinċipji komuni” u billi s-soċjetà ċivili organizzata titħalla tipparteċipa kemm fit-tfassil kif ukoll fin-negozjar tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona fil-livell Ewropew (6).
2.8 L-“acquis” soċjali tal-Ewropa hija ħaġa eċċezzjonali: madwar 70 direttiva u regolament ġew adottati f’dan il-qasam minn mindu nħolqot l-Unjoni Ewropea. Il-biċċa l-kbira ġew adottati mill-1985 ’l hawn. Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-UE għandha rwol soċjali importanti ħafna x’taqdi. Il-problemi soċjali ma jistgħux jiġu solvuti mill-Istati Membri waħidhom. Sabiex tinħoloq aċċettazzjoni politika, solidarjetà u koerenza, l-UE għandha titfa’ aktar enfasi fuq l-aspetti soċjali tal-politiki tagħha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.
3. Żviluppi attwali
3.1 L-iżvilupp tal-ekonomija
3.1.1 L-ekonomija Ewropea qed tiffaċċja l-aktar sfida serja tagħha f’għexieren ta’ snin. Sa mill-aħħar sitt xhur tal-2008 (7), l-ekonomija dinjija ilha għaddejja minn tnaqqis drastiku fl-attività ekonomika li qed jirriżulta ferm agħar minn dak li kien mistenni f’diversi pajjiżi. Hekk kif l-ekonomiji kienu qed juru sinjali ta’ rkupru mill-kriżi bankarja, issa jinsabu mhedda mill-kriżi tad-dejn sovran u s-severità tal-miżuri korrettivi li qed jiġu awtorizzati.
3.1.2 Il-qgħad qed jiżdied u jaggrava s-sitwazzjoni. Ir-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u l-ħtiġiet ta’ dawk li jsellfu wasslu għal tnaqqis fis-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet u t-trasferimenti soċjali. Dan ser ikompli jaggrava l-faqar u jpoġġi l-aktar gruppi vulnerabbli fi żvantaġġ, filwaqt li jagħti bidu għal ċirku vizzjuż. Madankollu, ħafna kumpaniji Ewropej li ntlaqtu mill-kriżi ħadu miżuri, flimkien mas-servizzi tal-impjieg fis-settur pubbliku, biex iżommu l-forza tax-xogħol tagħhom u b’hekk iżommu n-nies impjegati.
3.1.3 Is-sitwazzjoni splodiet f’daqqa u l-konsegwenzi nfirxu b’mod mgħaġġel – fenomenu ġdid fl-ekonomija globalizzata. Ir-raġunijiet kienu ħafna. Il-politiki monetarji u tar-rati tal-iskambju li wasslu għal likwidità eċċessiva, regolamentazzjoni insuffiċjenti jew non-eżistenti ta’ ċerti oqsma jew atturi, tfittxija għal rendiment għoli b’mod xejn realistiku flimkien ma’ fehim jew analiżi insuffiċjenti tar-riskji involuti min-naħa tal-atturi fis-suq u l-korpi superviżorji u regolatorji, dejn eċċessiv, politiki makroekonomiċi mhux koordinati biżżejjed u riformi strutturali inadegwati (8).
3.1.4 Inevitabbilment, titqajjem il-mistoqsija dwar jekk il-qafas ekonomiku attwali tal-UE, inkluż djalogu makroekonomiku insuffiċjenti, fil-fatt aggravax il-kriżi. Fost ir-riżultati kien hemm stabilizzaturi awtomatiċi mdgħajfa, splużjoni ta’ kreditu minflok pagi reali, rati ta’ tkabbir dejjem jonqsu kif ukoll anqas ċans li jkunu individwati l-bżieżaq finanzjarji. Il-KESE huwa tal-fehma li t-trasferiment tad-dejn privat (il-banek) għad-dejn pubbliku (l-Istat u ċ-ċittadini) iqiegħed piż eċċessiv fuq iċ-ċittadini, b’mod partikolari billi d-deterjorament tal-finanzi pubbliċi u l-limitazzjonijiet tal-patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir iqajmu l-mistoqsijiet dwar kif ser jiġu ffinanzjati fil-futur l-investimenti vitali fis-sistemi tas-sigurtà soċjali.
3.1.5 L-aħħar fażi tal-kriżi żvelat li ħafna Stati Membri kien qed ikollhom żbilanċji baġitarji mhux sostenibbli. L-azzjoni korrettiva meħtieġa biex jiġu restawrati l-finanzi pubbliċi ser tagħmel pressjoni enormi fuq is-sistemi fiskali, u l-politiki u l-programmi soċjali.
3.1.6 Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni qed tikkunsidra s-sussidji nazzjonali tal-Istat, anke fid-dawl tal-protezzjoni tax-xogħol, fil-qafas ta’ kuntest Ewropew usa’. Il-politika tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari rigward l-SMEs u s-sussidji tal-Istat lill-banek, bir-raġun tikkunsidra l-għan soċjoekonomiku li tinżamm sitwazzjoni b’kondizzjonijiet indaqs fl-Ewropa.
3.1.7 Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għall-fatt (9) li l-persuni inkarigati mill-politika ekonomika Ewropea għarfu l-bżonn ta’ politika makroekonomika kontroċiklika biex tikkumplementa d-dipendenza tal-passat fuq il-politika ekonomika tal-miżuri min-naħa tal-provvista. Il-KESE laqa’ wkoll l-impenn ta’ ħarsien aħjar għall-iktar membri dgħajfa tas-soċjetà u għal koordinazzjoni iktar effettiva tal-politika ekonomika. Madankollu, huwa enfasizza li l-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE huwa relattivament żgħir fl-iskala meta mqabbel mal-pakketti adottati f’reġjuni oħra tad-dinja.
3.2 L-iżvilupp tas-suq intern
3.2.1 Il-KESE faħħar il-ħolqien u l-iżvilupp tas-suq intern permezz ta’ diversi opinjonijiet (10). Is-suq intern li jkopri l-Istati Membri kollha u l-pajjizi taż-żona ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa ta’ benefiċċju għall-konsumatur u l-ħaddiema minħabba li jagħti spazju regolatorju waħdieni għall-mobbiltà tal-merkanzija, il-kapital, il-persuni u s-servizzi.
3.2.2 Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-viżjoni tagħha tas-suq intern għall-futur (11). Hija tiġbed l-attenzjoni li s-suq uniku huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u n-negozji, li huwa sostna l-ħolqien tal-impjiegi u stimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-oqsma prinċipali għall-futur huma:
— |
il-konsumaturi u n-negozji, fejn is-suq uniku għandu jwassal għal riżultati u benefiċċji aħjar sabiex jirrispondu għall-istennijiet u t-tħassib tal-konsumaturi u n-negozji; |
— |
li jlaħħqu mal-globalizzazzjoni; |
— |
li l-għarfien u l-innovazzjoni jsiru l-“ħames libertà”; |
— |
dimensjoni soċjali u ambjentali fejn il-Kummissjoni twiegħed li ttejjeb l-evalwazzjonijiet tal-impatt tagħha u tantiċipa t-tibdiliet fis-suq b’mod aktar effettiv. |
L-iktar nuqqas serju tas-suq intern kien li ma kienx kapaċi jistimola l-impjiegi u l-attività ekonomika bis-saħħa tal-investiment minn barra. B’mod partikolari, kien hemm nuqqas ta’ trawwim u żvilupp ta’ teknoloġija u riċerka bil-għan li titħejja l-bażi għal transizzjoni tal-ekonomija. Sakemm ma jiġix indirizzat dan in-nuqqas, l-Ewropa ser tibqa’ lura fl-ekonomija dinjija.
3.2.3 Il-KESE jappella għal bilanċ aħjar bejn l-iżvilupp soċjali, ambjent ekonomiku favorevoli u l-protezzjoni ambjentali bħala l-element kruċjali għal suq intern li jiffunzjona u l-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul. Aktar ma tkun profonda l-integrazzjoni tas-suq intern, aktar isir essenzjali li jintlaħaq l-għan tat-trattat li tiġi żgurata l-benesseri taċ-ċittadini, u b’hekk aktar trid tkun tajba l-protezzjoni soċjali li tingħata. B’27 suq tax-xogħol bi tradizzjonijiet leġislattivi differenti, l-UE trid tiżgura li r-regoli għall-mobbiltà interna ma jdgħajfux sistemi li diġà jaħdmu. Jeħtieġ li jittieħdu prekawzjonijiet li jiżguraw li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fis-suq komuni tkun indirizzata lejn l-innovazzjoni u ma tkunx kontroproduttiva jew saħansitra distruttiva (12).
3.2.4 Barra minn hekk, wara l-kriżi, l-Ewropa ser tiffaċċja mewġa ta’ ristrutturar tal-kumpaniji. Il-KESE jinnota li bħalissa l-UE m’għandhiex viżjoni strateġika komuni biex jew tindirizza l-konsegwenzi negattivi ta’ dan it-tip ta’ ristrutturar jew taħtaf l-opportunità biex tagħmel l-ekonomija tal-UE iktar kompetittiva fl-ekonomija dinjija. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tadotta pożizzjoni Ewropea flimkien mal-imsieħba soċjali biex jitħarsu l-impjegati kollha kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-imsieħba soċjali Ewropej biex iwettqu studju dwar ir-ristrutturar fl-UE u jwaqqfu Pjan Direzzjonali għall-kumpaniji dwar kif jistgħu jkunu involuti b’mod effettiv fil-proċess ta’ ristrutturar.
3.2.5 Il-KESE (13) kien qal li jekk l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva fuq perijodu fit-tul, is-suq intern għandu jiżgura tkabbir sostenibbli u fit-tul, u dan ifisser li għandu wkoll iqis id-dimensjoni ambjentali. L-għan aħħari huwa li jittejjeb b’mod konsiderevoli t-tħaddim tas-suq intern fi ħdan ekonomija soċjali tas-suq, u li jkun żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet soċjali fundamentali. Il-KESE saħaq ukoll li, jekk ikun hemm bżonn u jkun adatt, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi adatti mill-iktar fis possibbli għall-ħarsien tal-ħaddiema filwaqt li jistqarr li la l-libertajiet ekonomiċi u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni m’għandhom jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet soċjali fundamentali (14). Fl-istess ħin, il-KESE jżomm quddiemu l-bżonn li jiġi xprunat il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-intraprenditorija kif ukoll il-ħolqien ta’ ekonomiji f’saħħithom u sostenibbli fl-Istati Membri.
3.2.6 Wieħed min-nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati sabiex is-suq intern iwettaq ir-rwol tiegħu huwa li tingħata iktar prominenza u ċertezza legali lis-servizzi ta’ interess ġenerali li kellhom rwol importanti bħala stabilizzaturi ekonomiċi matul il-kriżi ekonomika attwali u li tiġi żviluppata d-dimensjoni internazzjonali. Għandna bżonn nippromovu l-mudell soċjali tagħna fil-livell internazzjonali bħala fattur għall-iżvilupp u naffermaw l-identità tagħna bħala korp attiv b’appoġġ reċiproku fil-forums internazzjonali bil-għan li jiġi pprovdut qafas għall-globalizzazzjoni. Sabiex il-globalizzazzjoni tkun ġusta, l-Ewropa għandha tagħmel pressjoni għal kummerċ u globalizzazzjoni iktar ekwi fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ u ftehimiet internazzjonali oħra.
3.2.7 Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li l-mobbiltà fl-Ewropa għandha tibqa’ waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE ġibed l-attenzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li għadhom japplikaw l-arranġamenti transitorji fir-rigward tal-moviment ħieles tal-persuni sabiex isegwu l-proċeduri li joħorġu mit-Trattati u jwarrbu dawn l-arranġamenti (15).
3.3 L-iżvilupp tas-sistemi tas-sigurtà soċjali
3.3.1 Minkejja xejra parzjalment pożittiva, is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi ser tkompli tmur lura, b’mod speċjali fil-kuntest tal-miżuri attwali mfassla biex isolvu l-kriżi tad-dejn sovran. Il-Kummissjoni tirrapporta li fis-sentejn li ġejjin, ir-rata ta’ nies qiegħda hija prevista li ser tiżdied għal livelli li ilna ma naraw għal bosta għexieren ta’ snin (16).
3.3.2 Fl-Istati Membri ttieħdu passi li kellhom effetti pożittivi fuq iż-żamma tal-impjiegi u ż-żamma ta’ rata tal-qgħad baxxa. Dawn jinkludu l-istimolu tal-investimenti, l-iffaċilitar tal-ftehimiet kollettivi u miżuri speċifiċi tas-suq tax-xogħol iffinanzjati minn skemi pubbliċi tal-qgħad. Xi wħud straħu fuq il-“flessibbiltà interna”, bħal diversi skemi sabiex inaqqsu n-numru ta’ sigħat maħduma abbinati mat-taħriġ. F’pajjizi oħra, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet, kien hemm sensji fuq skala kbira (17).
3.3.3 Għaldaqstant, l-impjieg għandu jkun fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. L-Ewropa teħtieġ rata għolja ta’ impjieg flimkien ma’ suq tax-xogħol ta’ kwalità għolja. Xogħol ta’ kwalità jeħtieġ intraprenditorija ta’ kwalità għolja kif ukoll investimenti fis-setturi pubbliċi u privati sabiex ikunu kompetittivi fuq livell internazzjonali. Il-finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali jistrieħ fuq kemm is-suq tax-xogħol Ewropew kapaċi jinkorpora ħaddiema. L-Ewropa għadha qed tiffaċċja l-ostakli biex tilħaq sitwazzjoni tal-livell massimu ta’ impjieg. Sabiex jinżammu livelli għoljin ta’ okkupazzjoni fl-Ewropa fil-ġejjieni, l-enfasi nbidlet għall-flessigurtà, il-kapaċità għall-impjieg, produttività ogħla, u edukazzjoni u taħriġ li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu stabbiliti swieq tax-xogħol iktar effettivi. Barra minn hekk, l-ogħla prijorità għandha tingħata lill-miżuri li jixprunaw l-impjiegi u l-ħolqien ta’ kumpaniji u lill-miżuri li jħeġġu l-investiment minn barra li jkun sostenibbli.
3.3.4 Matul l-aħħar għaxar snin, is-sistemi tas-sigurtà soċjali kienu l-mira ta’ riformi bil-ħsieb li jippromovu aktar inċentivi effettivi tax-xogħol fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali, b’konformità ma’ filosofija orjentata lejn in-naħa tal-provvista bi tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u kriterji ta’ eliġibbiltà. Huwa maħsub li miżuri bħal dawn inaqqsu l-qgħad. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom isibu bilanċ bejn li jipprovdu appoġġ biex in-nies jerġgħu jibdew jaħdmu u l-appoġġ finanzjarju fil-każ tal-qgħad.
3.3.5 Hemm ħafna dubji dwar l-effettività ta’ politiki bħal dawn. Matul l-aħħar għoxrin sena l-inugwaljanza żdiedet. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali huma kruċjali sabiex itaffu l-faqar u mingħajr il-benefiċċji soċjali ż-żieda fl-inugwaljanza u l-impatt soċjali tal-kriżi jkunu aktar mgħaġġla u serji. Hemm il-periklu li l-kriżi attwali ser tistaġna x-xejra ta’ tkabbir fl-impjiegi u t-titjib tal-koeżjoni soċjali madwar il-pajjiżi, filwaqt li fl-Ewropa taggrava xejra fuq medda twila ta’ żmien fejn l-inugwaljanza fid-dħul fl-istess pajjiż sejra għall-agħar (18).
3.3.6 Il-miżuri kontra l-kriżi f’bosta Stati Membri taw riżultati pożittivi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni (19) tirrapporta li f’ħafna pajjiżi, il-persuni qiegħda ma jirċevux appoġġ finanzjarju. F’xi każijiet dawn il-benefiċċji mhumiex immirati sew, u jissuġġerixxu li s-sistemi tal-benefiċċji mhux biss ma jipprovdux xibka ta’ sigurtà, iżda li mhumiex immirati sew lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Kemm il-kwalità kif ukoll is-sostenibbiltà ta’ dawn is-sistemi jinsabu fil-periklu (20). Fid-dawl tal-effetti tal-kriżi ekonomika u l-iżviluppi demografiċi, jeżisti r-riskju li s-sistemi tas-sigurtà soċjali minflok ma jkomplu jħarsu l-istandards tal-għajxien, ir-rwol tagħhom isir sempliċement dak li jistabbilixxu standards minimi. Dan huwa l-każ b’mod partikolari meta l-benefiċċji jkunu diġà qabżu d-dħul fiskali ta’ xi Stati Membri. Filwaqt li l-produttività qed tkompli tiżdied fil-pajjiżi tal-UE, magħha qed jiżdied il-faqar. Għandhom jitqajmu mistoqsijiet għaliex jidher li huwa impossibbli li jiġu sodisfati l-iktar ħtiġijiet bażiċi tan-nies u li jiġi pprovdut impjieg deċenti. Waħda mis-soluzzjonijiet fit-tul tinsab fit-tkabbir tal-ekonomija fis-settur pubbliku u privat, xprunat mill-iżvilupp ta’ kumpaniji kompetittivi.
3.3.7 Madankollu, il-kapaċità tal-UE li tipprovdi protezzjoni adegwata kontra r-riskji u tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku mal-progress soċjali ser tkun sostnuta biss bl-intensifikar tal-isforzi għar-riforma. Il-progress konġunt għandu jinkiseb b’livelli ogħla tal-impjieg, bit-tkabbir fil-produttività, b’sistemi fiskali adatti u s-sostenibbiltà u l-possibbiltajiet għas-sistemi soċjali Ewropej li jagħtu protezzjoni adegwata.
3.4 Żviluppi ġudizzjarji
3.4.1 Id-deċizjonijiet tal-QĠE f’erba’ każijiet (Viking, Laval, Rüffert u Luxemburg (21)) wasslu għal diskussjonijiet imqanqla fiċ-ċrieki politiċi u akkademiċi u żiedu l-biża’, kemm bi provi u mingħajrhom, ta’ riskju dejjem jiżdied ta’ dumping soċjali. Id-deċiżjonijiet iġġeneraw ukoll attivitajiet fl-istituzzjonijiet Ewropej u fost l-imsieħba soċjali.
3.4.2 F’Ottubru 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni (22) bħala reazzjoni għad-deċiżjonijiet tal-QĠE. Il-Parlament stqarr li l-libertà li jingħataw is-servizzi mhijiex superjuri għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dritt tat-trejdjunjins li jinnegozjaw, jikkonkludu u jinfurzaw il-ftehimiet kollettivi u jieħdu azzjoni kollettiva. Barra minn hekk, il-Parlament stqarr li hemm lakuni fil-leġislazzjoni Komunitarja attwali, li hija inkonsistenti. Din ma kenitx l-intenzjoni tal-leġislatur tal-Komunità, li kien qed ifittex bilanċ ġust bejn il-libertà li jingħataw is-servizzi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.
3.4.3 Id-dibattitu akkademiku (23) kien kruċjali. F’Ġunju 2009, madwar 100 avukat Ewropew, li jispeċjalizzaw fil-liġi tax-xogħol, kif ukoll akkademiċi bagħtu ittra miftuħa lill-kapijiet tal-Istat u l-gvernijiet fejn urew tħassib kbir dwar id-deterjorazzjoni tad-drittijiet soċjali fundamentali u l-impatt tad-deċizjonijiet reċenti tal-QĠE dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Huma wrew ukoll it-tħassib tagħhom li d-deċizjonijiet ħolqu problemi serji għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema. Huma insistew li d-drittijiet soċjali fundamentali m’għandhomx ikunu sekondarji għal-libertajiet tas-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni, iżda għandhom ikunu rikonoxxuti b’mod sħiħ bħala prekondizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli fl-Unjoni Ewropea.
3.4.4 Fl-aħħar ta’ Marzu 2009, l-imsieħba soċjali Ewropej nedew analiżi konġunta tad-deċiżjonijiet tal-QĠE, fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Franċiża. Sabiex titwettaq din il-ħidma, twaqqaf grupp ad hoc li ffoka ħidmietu fuq għadd limitat ta’ kwistjonijiet prinċipali bħar-relazzjoni bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali, l-ostakli li għandhom jitneħħew u l-kondizzjonijiet li għandhom jinħolqu biex jittejjeb il-moviment ħieles u l-għoti tas-servizzi; il-kwistjoni tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali u l-isfida tar-rispett għad-diversità ta’ sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali (24).
3.4.5 Il-KESE, filwaqt li jirrispetta l-prerogattiva tal-QĠE li tinterpreta r-regoli eżistenti, jemmen li d-deċiżjonijiet jippreżentaw ħafna inkwiet minbarra l-bżonn ta’ analiżi u spjegazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom.
3.4.5.1 Il-ġerarkija bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali fundamentali
Bil-każijiet ta’ Viking u Laval, il-QĠE rrikonoxxiet li d-dritt ta’ azzjoni kollettiva huwa dritt fundamentali u – b’hekk – parti mil-liġi tal-UE, filwaqt li jisħaq li mhuwiex superjuri għal kwalunkwe liġi oħra tal-UE, bħal-libertà tal-għoti tas-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment. Barra minn hekk, il-QĠE tat il-libertà tal-għoti tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment effett dirett trasversali. Il-QĠE nnotat li l-azzjoni industrijali m’għandux biss ikollha “għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat jew sakemm ma tkunx ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. […] f’każ bħal dan, ikun meħtieġ li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan persegwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan” (25). B’hekk, il-fatt li rrikonoxxiet l-azzjoni kollettiva bħala dritt fundamentali huwa iktar rikonoxximent fil-prinċipju milli realtà. Sussegwentement, il-QĠE ddeċidiet li l-azzjoni kollettiva hija restrizzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ dawk il-libertajiet wara li staqsiet jekk din ir-restrizzjoni tistax tkun ġustifikata. Dan ifisser li l-azzjoni kollettiva dejjem ser titkejjel skont ir-restrizzjoni li tista’ toħloq fuq il-libertajiet ekonomiċi. Xi akkademiċi osservaw il-fatt li l-QEDB (26) f’każijiet reċenti eżaminat il-kwistjoni mill-perspettiva opposta, jiġifieri analizzat liema huma l-limitazzjonijiet aċċettabbli fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Id-deċiżjonijiet tal-QĠE jqajmu t-tħassib dwar id-diskrepanza fil-ġurisprudenza tal-QEDB.
3.4.5.2 Il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali
Il-qorti għall-ewwel darba ddeċidiet dwar il-limiti għall-azzjoni kollettiva fuq livell nazzjonali f’kuntest transnazzjonali. Il-KESE jsibha preokkupanti ħafna li l-QĠE introduċiet test ta’ proporzjonalità f’dan l-istadju. Dan it-test mhux biss ineħħi l-kwalità tad-dritt fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva, iżda jixref ukoll fuq id-dritt tal-istrajk. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet u r-reazzjonijiet tal-QEDB, il-KESE jisħaq li l-proċess tad-definizzjoni tal-limiti tal-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet fundamentali soċjali jiddependi wkoll mid-deċiżjonijiet futuri u l-mistoqsijiet li jqajmu.
3.4.5.3 Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema
Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema hija intiża biex tiżgura l-armonizzazzjoni neċessarja filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali meta jiġu kkoordinati l-politiki nazzjonali għall-istazzjonar transkonfinali temporanju tal-ħaddiema. Il-QĠE kkonkludiet li l-problemi li nħolqu kienu minħabba nuqqas ta’ traspożizzjoni nazzjonali ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (Laval), in-nuqqas ta’ kompattibbiltà mal-leġislazzjoni nazzjonali (Rüffert (27)) jew interpretazzjoni miftuħa wisq tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u miżuri ta’ kontroll mhux ċari u mingħajr ġustifikazzjoni (Luxemburg).
Skont il-QĠE, id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ma timponix it-trattament ugwali iżda tiżgura li jiġu rispettati l-ħtiġiet minimi tal-ħaddiema stazzjonati. B’hekk, fil-fatt hija direttiva massima minflok waħda minima. Madankollu, id-deċiżjonijiet tal-QĠE ma jimpedixxux l-applikazzjoni ta’ termini u kondizzjonijiet iktar favorevoli tal-impjieg min-naħa ta’ min iħaddem. L-għan tal-Artikolu 3.7 tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema kien li jiżgura li l-applikazzjoni tar-regoli minimi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitant ma twassalx għal kondizzjonijiet ta’ xogħol agħar minn dawk li l-ħaddiem stazzjonat kien intitolat għalihom fil-pajjiż tal-oriġini. Tressaq l-argument li d-deċiżjonijiet ineħħu l-possibbiltà li fil-livell nazzjonali jiġu imposti standards ogħla li jmorru lil hinn mir-regoli mandatorji għall-protezzjoni minima fid-direttiva jew permezz ta’ regoli mandatorji jew ftehimiet kollettivi favur il-ħaddiema.
Din imbagħad toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni domestika u fis-suq intern fejn il-kumpaniji domestiċi jridu jsegwu r-regoli nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi filwaqt li l-kompetituri mill-Istati Membri l-oħra japplikaw ir-regoli minimi.
3.4.5.4 Kunflitt bejn sistemi legali differenti
Riżultat ieħor tad-deċizjonijiet huwa l-kunflitt bejn il-liġi tal-Komunità u l-istandards internazzjonali (28). Barra minn hekk, jista’ jiġi argumentat li jeżisti kunflitt legali mal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO, kif ukoll mal-Artikolu 6(4) tal-Karta Soċjali Ewropea u l-każistika tal-istituzzjonijiet rispettivi, kif stabbilixxew il-korpi superviżorji tal-ILO (il-każ ta’ BAPA UK).
4. Konklużjonijiet
4.1 Dawn l-aħħar snin, kif ukoll il-kriżi attwali, ġabu magħhom riskji ġodda ta’ aktar inugwaljanzi soċjali. Barra minn hekk, l-UE kabbret ir-riskji ta’ distorsjonijiet kompetittivi u soċjali permezz ta’ deċiżjonijiet li ħadet. Hemm ir-riskju li l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u ġudizzjali jwasslu għal sitwazzjoni fejn id-dimensjoni soċjali tas-suq intern tiġi mhedda u fejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali soċjali previsti fl-opinjoni tal-KESE tal-1987 jixxekklu. Għaldaqstant, id-dimensjoni soċjali tas-suq intern għandha tkun punt prinċipali fis-snin li ġejjin, iżda sabiex jittejbu l-aspetti ekonomiċi – l-impjieg, il-benefiċċji, id-dħul mit-taxxa – l-UE ser ikollha tikkorreġi l-falliment ċar tas-suq intern biex jippromovi t-tkabbir bis-saħħa ta’ impjiegi ta’ kwalità u intrapriżi u entitajiet oħra li jħaddmu ta’ kwalità ogħla.
4.2 Wieħed mill-iktar aspetti importanti tad-dimensjoni soċjali huwa l-impjieg. Fid-dawl tal-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, is-settur pubbliku ma jistax joħloq għadd infinit ta’ impjiegi u b’hekk il-piż prinċipali tal-ħolqien tal-impjiegi għandu jaqa’ fuq is-settur privat. L-Istati Membri għandhom joħolqu kondizzjonijiet għal ċirku virtuż ibbażat fuq l-ekonomija reali, li bis-saħħa tiegħu l-klijenti joħolqu l-impjiegi, il-kumpaniji joħolqu l-klijenti u l-investituri, u l-intraprendituri joħolqu l-kumpaniji. Huwa importanti wkoll li l-investiment soċjali jitqies bħala appoġġ għall-intrapriżi u bħala opportunità biex jinħoloq ambjent tajjeb għall-kummerċ. F’dan il-qafas, l-ekonomija soċjali tagħti kontribut ta’ valur kbir.
4.3 Il-KESE ta kontribut fid-diskussjonijiet dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-mudelli soċjali Ewropej u n-natura tal-mudell soċjali Ewropew (29). Il-KESE stqarr li s-saħħa tal-mudell soċjali Ewropew ġejja mill-mod ta’ kif il-kompetittività, is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka jiffunzjonaw flimkien.
4.4 Mezz ta’ kif jista’ jiġi riżolt il-kunflitt bejn is-suq intern u d-drittijiet soċjali huwa billi nduru lura għal politika ta’ “Aktar stat nazzjon, anqas Ewropa”. Il-KESE huwa tal-opinjoni li neħtieġu proprju l-kuntrarju; neħtieġu aktar Ewropa, iżda Ewropa differenti. Madankollu, biex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn ta’ sistema regolatorja ġdida għall-politika ekonomika u soċjali Ewropea. Ewropa demokratikament u soċjalment sħiħa biss tista’ tevita l-periklu tal-aljenazzjoni dejjem tikber tal-Ewropej mill-proġett Ewropew. Fl-istess ħin l-UE għandha tirrispetta wkoll is-sistemi soċjali differenti stabbiliti fl-Istati Membri. Jekk il-ġurisprudenza u l-liġi tal-UE ma jqisux id-diversità tal-UE, l-istandards minimi jistgħu jkunu baxxi wisq biex ikun jista’ jiġi evitat id-dumping soċjali f’ħafna pajjiżi.
4.5 Element importanti ħafna tad-dimensjoni soċjali Ewropea huwa politika fiskali armonizzata u iktar ġusta fil-livell tal-UE. Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara li għaddejja bħalissa, il-KESE jappoġġja sforzi li jiżguraw Bażi Fiskali Korporattiva Komuni u Konsolidata. Din hija meħtieġa fil-perijodu fit-tul jekk is-suq intern irid jaħdem sew (30). Il-KESE appella wkoll għal koordinazzjoni akbar tal-politiki fiskali tal-Istati Membri tal-UE, primarjament fl-oqsma fejn il-bażi tat-taxxa hija mobbli u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni tat-taxxa bejn l-Istati Membri huwa l-akbar (31). L-evażjoni u l-frodi fiskali kif ukoll ir-rifuġji fiskali lkoll għandhom jiġu miġġielda.
4.6 Ma rridux ninsew li bit-tneħħija tal-possibbiltà ta’ kondizzjonijiet regolatorji fis-suq tax-xogħol permezz tal-ftehimiet kollettivi, is-swieq tax-xogħol isiru inqas flessibbli. Il-ftehimiet kollettivi u d-djalogu soċjali huma strumenti essenzjali għall-kunċett tal-flessigurtà (32).
5. Kif niżguraw li d-dimensjoni soċjali titħaddem b’mod iktar effettiv
5.1 Fil-perijodu l-qasir, il-KESE jappella sabiex id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tiġi implimentata b’mod iktar effettiv. Il-kontrolli effettivi tal-applikazzjoni adatta tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istazzjonar tal-ħaddiema huma prerekwiżit sabiex jinkiseb l-għan tad-direttiva, jiġifieri l-evitar tad-dumping soċjali. Il-kooperazzjoni transnazzjonali effettiva bejn l-awtoritajiet trid tkun żgurata għall-kontroll effettiv tar-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati. Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ “Interpol Soċjali Ewropew” li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Ispettorati tal-Kondizzjonijiet Soċjali tad-diversi Stati Membri.
5.2 Fid-dawl tal-ġurisprudenża tal-QEDB rigward id-drittijiet fundamentali, il-QEDB targumenta li l-Konvenzjoni hija strument ħaj li jirrifletti l-istandard dejjem ogħla meħtieġ fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li b’hekk jirrikjedi li jkun iktar strett fl-analiżi tal-ksur tal-valuri fundamentali tas-soċjetajiet demokratiċi u li l-limitazzjonijiet tad-drittijiet għandhom jinbnew b’mod restrittiv (33). Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni fl-UE fid-dawl tad-deċiżjonijiet reċenti tal-QEDB.
5.3 L-inklużjoni u l-involviment tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tagħhom u t-trejdjunjins huma kruċjali sabiex il-bidla tiġi ġestita b’mod soċjalment aċċettabbli fil-livell tal-kumpaniji (34). F’diversi okkażjonijiet il-KESE saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali u tat-tisħiħ tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali fil-livell Ewropew u nazzjonali, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità ta’ sistemi bħal dawn madwar l-UE (35). Il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha tal-Kummissjoni li jimmiraw li jsaħħu d-djalogu soċjali, fosthom:
— |
il-promozzjoni ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità ogħla u mekkaniżmu Ewropew għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u l-konċiljazzjoni; |
— |
l-iżvilupp ta’ djalogu makroekonomiku bil-għan li tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra. |
5.4 Fil-perijodu l-medju, il-KESE jappoġġja inizjattiva mill-Kummissjoni li tiċċara l-obbligi legali għall-awtoritajiet nazzjonali, il-kumpaniji u l-ħaddiema skont l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u li tiżgura li dawn ir-regoli jkunu applikabbli universalment. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-impenn li l-President tal-Kummissjoni Barroso ħa quddiem il-Parlament Ewropew. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta fir-rapport ta’ Monti, fejn id-dritt tal-istrajk huwa eżentat mis-suq intern, hija waħda interessanti u jemmen li din tista’ ssolvi xi wħud mill-problemi. Madankollu, dan m’għandux jeskludi reviżjoni parzjali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sabiex il-prinċipju tal-post tax-xogħol jiġi applikat b’mod konsistenti, u jagħmilha possibbli li jiġi stabbilit bil-liġi li l-istess kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ ħlas għandhom japplikaw dejjem għall-istess xogħol fl-istess post.
5.5 Fil-perijodu iktar fit-tul, l-Unjoni Ewropea għandha tistinka għat-tisħiħ tad-dirittijiet fundamentali soċjali.
F’diversi okkażjonijiet, il-KESE appella għal politiki soċjali Ewropej aktar b’saħħithom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi li għaddejja bħalissa. L-UE trid tkun impenjata lejn politika ta’ livell massimu ta’ impjiegi, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fid-dħul, it-titjib fil-kondizzjonijiet soċjali, it-tisħiħ tas-sigurtà soċjali, il-qerda tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg mingħajr protezzjoni soċjali u t-tiġdid tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-demokrazija industrijali. It-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta mehmuża tad-Drittijiet Fundamentali għad ma kellhomx l-impatt sħiħ tagħhom fuq il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi. Dan għad irid jiġi determinat.
Madankollu, it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali, li jinkludu d-drittijiet soċjali, jeħtieġ li kull restrizzjoni tkun limitata. Il-punt tat-tluq għandu jkun li l-ewwel tingħata ħarsa lejn id-drittijiet fundamentali mhux lejn il-libertajiet ekonomiċi, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-QEDB. It-tibdiliet li japplikaw direttament fil-liġi tal-UE (il-liġi primarja) għandhom isiru sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) tirrappreżenta 80 miljun ħaddiema.
(2) Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.11.1987 dwar L-aspetti soċjali tas-suq intern, relatur: is-Sur Beretta (ĠU 356, 31.12.87, pġ. 31-33).
(3) Pereżempju, id-Dimensjoni Soċjali tas-Suq Intern Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni. SEC (88) 1148 finali, 14.9.1988 u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programmi ta’ azzjoni tagħha marbuta mal-implimentazzjoni tal-karta tal-Komunità dwar id-drittijiet soċjali bażiċi tal-ħaddiema. COM(89) 568 finali, 29.11.1989.
(4) Id-Dimensjoni Soċjali tas-Suq Intern. Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni. SEC(88) 1148 finali, 14.09.1988.
(5) Ara l-opinjonijiet tal-KESE
|
tas-6.7.2006 dwar Il-Koeżjoni Soċjali: it-Tħejjija ta’ Mudell Soċjali Ewropew, relatur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125). |
|
tad-9.7.2008 dwar Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid, relatur: is-Sur Olsson (ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99-107) u |
|
tal-4.11.2009 dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, relatur ġenerali: is-Sur Greif (ĠU C 128, 18.5.2010. p. 3-9). |
(6) Opinjoni tal-KESE tal-4.12.2008 dwar Il-Governanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda, relatur ġenerali: is-Sinjura Florio (ĠU C 175, 28.7.2009, p. 13-19).
(7) Previżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għar-rebbiegħa 2009.
(8) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.1.2009 dwar Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, relatur: is-Sur Delapina (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 71-74).
(9) Ibid.
(10) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.05.2009 dwar L-impatt tal-ostakli leġislattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE, relatur: is-Sur van Iersel. (ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6-14).
(11) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 {COM(2007) 724 finali}.
(12) Rapport integrat dwar l-implimentazzjoni u l-futur tal-Istrateġija ta’ Lisbona fil-perijodu ta’ wara l-2010.
(13) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.01.2009 dwar Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq intern, relatur: is-Sur Adamczyk. (ĠU C 182, 04.08.2009, p. 1-7).
(14) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-14.05.2009 dwar L-impatt tal-ostakli leġislattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE, relatur: is-Sur van Iersel. (ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6-14).
(15) Ara l-opinjoni tal-25.03.2009dwar L-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol, relatur: is-Sinjura Drabalová (ĠU C 228, 22.9.2009, p.14-23).
(16) Previżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għar-rebbiegħa 2009.
(17) Plant-level responses to the economic crisis in Europe,Vera Glassner and Béla Galgóczi WP 2009.01 ETUI.
(18) Din ix-xejra ta’ żieda fl-inugwaljanzi hija evidenti wkoll fiż-żona tal-OECD.
(19) The Social Situation in the European Union 2008.
(20) IRES 115.
(21) Viking C-438/05, Laval C-341/05, Rüffert C-346/06, COM v LUX C-319/06.
(22) Riżoluzzjoni tal-PE tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-isfidi għall-ftehimiet kollettivi fl-UE (2008/2085(INI)).
(23) http://www.etui.org/en/Headline-issues/Viking-Laval-Rueffert-Luxembourg/2-Articles-in-academic-literature-on-the-judgements.
(24) Rapport dwar il-ħidma konġunta tal-imsieħba soċjali Ewropej fuq id-deċiżjonijeit tal-QĠE fil-każijiet ta’ Viking Laval, Rüffert u Luxemburg.
(25) Viking C-438/05 (75).
(26) ECHR Demir and Baykara v. Turkey (applikazzjoni nru 34503/97).
(27) Fil-każ Rüffert, il-Qorti ddeċidiet li l-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-ħlas ta’ pagi aktar baxxi huwa parti mil-libertà li tipprovdi servizzi u għaldaqstant huwa protett.
(28) Id-deċizjoni Rüffert tal-QĠE ma kkunsidratx il-Konvenzjoni 94 tal-ILO u għaldaqstant l-interpretazzjoni toħloq kunflitt bejn id-diversi sistemi legali.
(29) Ara l-opinjoni KESE tas-06.07.2006 dwar Il-koeżjoni soċjali: insaħħu l-mudell soċjali Ewropew, relatur: is-Sur Ehnmark (ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125).
(30) Ara l-opinjoni tal-KESE tas-26.09.2007 dwar Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti, relatur: is-Sur Nyberg, (ĠU C 10, 15.01.2008, p. 113-117).
(31) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-4.11.2009 dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona fil-perijodu ta’ wara l-2010, relatur: is-Sur Greif, (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3-9).
(32) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-11.07.2007 dwar Il-Flessigurtà (in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali), relatur: is-Sur Janson (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 108-113).
(33) ECHR Demir and Baykara v. Turkey (applikazzjoni nru 34503/97).
(34) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-29.09.2005 dwar Id-djalogu soċjali u l-bidliet industrijali, relatur: is-Sur Zöhrer (ĠU C 24, 30.01.2006, p. 90-94).
(35) Ara l-opinjoni tal-KESE tal-11.07.2007 dwar Il-Flessigurtà (in-negozjar kollettiv u r-rwol tad-djalogu soċjali) relatur: is-Sur Janson (ĠU C 256, 27.10.2007, p. 108-113).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/99 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/16
Relatur: is-Sur GENDRE
Korelatur: is-Sur KONSTANTINOU
Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:
Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-1 ta' Lulju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-industrija grafika Ewropea qed ikollha tiffaċċja sfidi enormi minħabba ż-żieda fl-użu tal-internet bħala sors ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, it-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja tal-gazzetti u r-rivisti, kif ukoll kompetizzjoni dinjija ħarxa li qed taffettwa ċerti prodotti tas-settur.
1.2 Is-settur speċifiku tal-offset bir-rombli (web offset) u tal-fotoinċiżjoni, min-naħa tiegħu, qed jiffaċċja sitwazzjoni aktar iebsa minħabba kapaċità ta' produzzjoni ħafna ogħla minn dik meħtieġa, li xi analisti stmaw bejn 25 u 30 %. Ir-rapport IFO Konjunkturtest, li kkunsidra l-industrija grafika Ġermaniża, jindika li r-rati tal-investiment f’din l-industrija żviluppaw skont it-tendenzi tas-suq u b’hekk naqsu mill-2008 ’l hawn. L-2006 u l-2007 kienu snin pjuttost tajbin għall-industrija grafika (1). Iżda mill-2008 ’l quddiem, iċ-ċikli ta' investiment inżammu f’livell tassew aktar baxx, l-aktar bil-għan li l-fluss tal-produzzjoni jiġi razzjonalizzat u jittejjeb.
1.3 Is-suq grafiku qed ibati minn kapaċità żejda, kif ukoll minn fatturi importanti oħra ta' kompetizzjoni bħall-attrattività tal-mezzi tax-xandir il-ġodda, l-importazzjoni minn pajjiżi li jipproduċu bi spejjeż aktar baxxi u t-tnaqqis fid-domanda. Dan il-kuntest ekonomiku żvantaġġuż ġab miegħu tnaqqis fil-prezzijiet u kellu impatt ħażin fuq l-istandard tal-għajxien tal-impjegati.
1.4 Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika attwali wasslet sabiex l-aċċess għall-kreditu sar aktar diffiċli. Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, dawn it-tendenzi negattivi wasslu biex kiber il-bżonn li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni. Din is-sitwazzjoni influwenzat in-negozjati riċenti dwar il-pagi. F’dan il-kuntest diffiċli, hemm ir-riskju li xi intrapriżi fis-settur grafiku, b’mod partikolari dawk li joperaw f’oqsma tas-suq aktar dgħajfa, ikollhom jirristrutturaw u jnaqqsu l-impjegati fuq skala kbira.
1.5 Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati ta' studju li analizza l-fatturi ta' kompetittività tas-settur. Din ir-riċerka wasslet għal proposti favur pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti kollha, li qed jibdew jiġu implimentati mill-intrapriżi u li għadhom rilevanti. Jinsab sodisfatt bil-progress li sar iżda jqis li d-diffikultajiet tas-settur, li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li laqtu lill-Istati Membri kollha tal-UE, jeħtieġu inizjattivi ġodda maħsuba sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fuq perijodu qasir u medju.
1.6 Il-KESE ġie infurmat li jeżisti proġett konġunt ġdid ta' sena bejn it-trejdjunjins u dawk li jħaddmu fis-settur li għandu l-għan li jiddefinixxi linji gwida bejn l-imsieħba soċjali dwar ir-ristrutturazzjoni soċjalment responsabbli tal-intrapriżi. Permezz ta' dan il-proġett imniedi fl-2009, dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jistgħu jwettqu analiżi komuni tal-problemi tas-settur u jibdew jirriflettu dwar kif jistgħu jsolvuhom b’konsultazzjoni bejniethom. Dawn id-diskussjonijiet ser ikollhom jersqu lejn it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni mmirat lejn it-tnaqqis fil-kapaċità żejda tas-settur.
1.7 Dan il-pjan jista’ jagħmel parti minn politika industrijali fuq perijodu aktar fit-tul li tkun tinkludi riflessjoni dwar il-mudelli l-ġodda ta' attività għall-industrija grafika. Dawn l-isforzi għandhom ikunu mmonitorjati minn grupp ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, minn trejdjunjins tal-impjegati u minn esperti, imwaqqaf taħt il-partoċinju tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-grupp ikollu l-kompitu li jidentifika l-bidliet tal-ġejjieni u l-għodod meħtieġa biex dawn il-bidliet jiġu indirizzati bis-saħħa ta' sistema trasparenti tal-ġbir ta' informazzjoni.
1.8 Bħalissa, id-djalogu soċjali formali bejn dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jeżisti biss fil-livell tal-intrapriżi u fil-livell nazzjonali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf kumitat għad-djalogu soċjali Ewropew għas-settur kollu.
1.9 L-aġenda għal djalogu soċjali Ewropew formali u strutturat tista’ tinkludi dan li ġej:
1) |
Diskussjoni dwar id-diversi miżuri kapaċi jħarsu l-impjiegi bis-saħħa tat-taħriġ u l-bdil tal-kompiti tal-impjegati b’rabta mat-tnaqqis u l-adattament tal-ħin tax-xogħol, l-użu tat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol (qgħad tekniku) u t-tiftix ta' mobbiltà interna u esterna fi ħdan il-kumpanija jew fil-professjoni. |
2) |
Studju tal-isforzi li jridu jitwettqu sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
3) |
Rakkomandazzjoni komuni mir-rappreżentanti ta' dawk li jħaddmu u l-ħaddiema fir-rigward ta' linji gwida dwar l-investiment fit-tul, bil-fehim li l-bżonnijiet ta' investimenti ġodda u tal-ambitu ta' dawn l-investimenti jistgħu jiġu analizzati għalkollox biss fil-livell ta' kull intrapriża. Ir-rikonoxximent tal-elementi ta' strateġija adegwata dwar l-investiment għandu jiżgura l-akkwist ta' tagħmir ta' sostituzzjoni jew bi tweġiba għall-bżonnijiet tas-suq, u bis-saħħa t’hekk l-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jarmaw ruħhom tajjeb biex jaħdmu b’mod effiċjenti fl-oqsma attwali jew futuri tagħhom. |
4) |
Il-ħtieġa li s-sitwazzjoni finanzjarja tas-settur tiġi analizzata permezz tal-ġbir u l-konsolidazzjoni tad-data pubblika, mingħajr ma tiġi mhedda l-kunfidenzjalità tad-deċiżjonijiet strateġiċi ppjanati mill-intrapriżi. Din hija prijorità assoluta sabiex tkun tista’ ssir analiżi aħjar tal-flessibbiltà attwali fis-settur. |
5) |
Il-ġbir tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u l-bdil tal-karrieri, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards aċċettati tal-mudell soċjali Ewropew u tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu. |
1.10 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni toħloq osservatorju jew kunsill settorjali għall-impjiegi u l-kompetenzi fil-livell Ewropew maħsub sabiex ikun jista’ jkejjel il-ħtiġijiet preżenti u futuri tas-settur u jgħin sabiex il-provvista tat-taħriġ tikkorrispondi għad-domanda. Dan l-osservatorju jkun jista’ jħeġġeġ it-taħriġ professjonali kontinwu kif ukoll il-mobbiltà tal-impjegati u l-bdil tal-karrieri.
1.11 Bħala pass immedjat, il-KESE jipproponi li, bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju u loġistiku tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll bil-preżenza tagħha, l-assoċjazzjonijiet Ewropej kompetenti jorganizzaw konferenza għall-partijiet interessati kollha bil-għan li tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni sabiex b’hekk jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir u li jiġi ffinanzjat studju indipendenti dwar il-ġejjieni tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jikseb mill-ġdid funzjonament sostenibblili u li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni.
1.12 Tista’ ssir analiżi tal-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-attività tagħhom fuq kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, filwaqt li l-użu tal-ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni jista’ jiġi eżaminat mill-intrapriżi bil-għan li dan jikkontribwixxi għal użu aħjar tal-kapaċità tal-produzzjoni permezz tal-ekonomiji ta' skala u t-titjib fit-tekniki tal-produzzjoni.
1.13 Il-KESE jħeġġeġ lill-poteri pubbliċi nazzjonali u Ewropej sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għall-finanzjament pubbliku, b’mod speċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' azzjonijiet relatati mat-taħriġ, il-bdil tal-karrieri u l-appoġġ għall-mobbiltà ta' dawk li jaħdmu fl-industrija grafika. Huwa jistieden lill-intrapriżi jeżaminaw il-possibbiltajiet li l-BEI jintervjeni sabiex jiffinanzja l-akkwist ta' teknoloġiji ġodda marbuta mal-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda.
2. Kuntest
2.1 L-iżviluppi fl-industrija grafika Ewropea huma marbuta mill-qrib mat-tibdil li jolqot lill-fornituri tal-karti, il-linka u l-makkinarju tal-istampar kif ukoll lill-klijenti tagħhom, li għandhom id-diffikultajiet tagħhom x’jiffaċċjaw u li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jegħlbuhom; għal xi wħud dan jinvolvi proċess ta' konċentrazzjoni.
2.2 Dawn id-diffikultajiet ġejjin mill-bidliet strutturali fil-mezzi tal-komunikazzjoni li qed ikomplu jiħraxu minħabba l-kriżi: l-iżvilupp tal-internet bil-mod il-mod qiegħed jibdel il-komponenti tas-suq. L-impatt qawwi tal-internet qiegħed jinħass fil-katina tal-valur kollha kemm permezz tat-tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità, ħaġa li, b’mod parzjalment irriversibbli, qed tiċħad ċertu dħul vitali lill-mezzi tax-xandir grafiċi, b’konsegwenzi negattivi fuq il-pluraliżmu tal-informazzjoni.
2.3 Fil-każ tal-intrapriżi li jaħdmu f’ċerti oqsma tas-settur fejn il-prodotti m’għandhomx restrizzjonijiet ta' żmien biex jaslu fis-suq (b’mod partikolari l-qasam ta' kategoriji differenti ta' kotba), il-possibbiltajiet il-ġodda ta' trasport u komunikazzjoni qed iwasslu sabiex dawn l-intrapriżi jikkompetu ma' kumpaniji tal-istampar li joperaw fl-Indja jew fiċ-Ċina. Jidher ukoll li l-intermedjarji li jippruvaw jiksbu l-orħos prezzijiet għandhom aktar tendenza li jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għand stamperiji Asjatiċi u b’hekk qegħdin jippromovu l-iżvilupp ta' tendenza ta' deflazzjoni li qed tkun ta' ħsara għall-investiment. Peress li l-katalogi qed jiġu dejjem aktar ippubblikati online aktar milli fuq il-karta, dawn il-bidliet qed ikollhom reperkussjonijiet negattivi fuq is-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli.
2.4 Skont l-aħħar figuri ppubblikati mill-Eurostat, l-industrija grafika Ewropea għandha 132 571 intrapriża u tħaddem aktar minn 853 672 impjegat (2). Seba’ pajjiżi (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) iħaddmu 80 % tal-ammont totali ta' persuni li jaħdmu fis-settur fl-UE-25. Aktar minn 95 % tal-intrapriżi grafiċi Ewropej iħaddmu anqas minn 50 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 60 % tal-impjiegi, filwaqt li anqas minn 1 % tal-intrapriżi grafiċi jħaddmu aktar minn 250 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 13 % tal-impjiegi totali. Madankollu, sabiex tinkiseb stampa aktar sħiħa u preċiża tas-settur, teħtieġ data kkwantifikata aktar dettaljata, li għalissa għadha mhijiex disponibbli.
2.5 Din l-opinjoni tiffoka essenzjalment fuq il-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli, minħabba li jinvolvu numru kbir ta' kopji stampati u ta' pubblikazzjonijiet, u għalhekk ma tkoprix fil-fond is-settur tal-gazzetti jew dak tal-istampar tal-imballaġġi, li huma kkunsidrati bħala swieq differenti minħabba t-tip ta' prodotti li jinvolvu. Fil-fatt, ħafna gazzetti għandhom l-istamperija tagħhom u joperaw f’dan is-suq speċifiku biss b’mod marġinali. Is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni jinkludi l-intrapriżi grafiċi li jipproduċu kwantitajiet kbar ħafna ta' prodotti. L-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huma proċeduri ta' stampar differenti, li jeħtieġu makkinarju differenti. L-offset jintuża mill-intrapriżi l-kbar tal-offset bir-rombli u mill-intrapriżi ż-żgħar tal-offset ibbażat fuq il-karti. Is-setturi Ewropej tal-offset u l-fotoinċiżjoni, meqjusin flimkien, jirrappreżentaw 56 % tas-suq totali tal-istampar tradizzjonali fl-Ewropa (3). L-intrapriżi kkonċernati jipproduċu kotba, direttorji, katalogi u rivisti li, minħabba n-natura tagħhom, għandhom tendenza li jiġu stampati fi kwantitajiet kbar ħafna, li ġeneralment ivarjaw bejn 10 000 u 300 000 kopja.
2.6 Ir-rivisti jirrappreżentaw nofs il-produzzjoni, filwaqt li l-katalogi, il-fuljetti tal-pubbliċità u l-kotba jirrappreżentaw primarjament in-nofs l-ieħor. Il-produzzjoni totali tuża 5 miljun tunnellata karta. Il-biċċa l-kbira tar-rivisti fl-Ewropa, kif ukoll diversi tipi ta' imballaġġ, jiġu stampati bil-fotoinċiżjoni. Il-kapaċità annwali totali tas-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni hija ta' aktar minn 5 miljun tunnellata, bi 80 % ta' din il-kapaċità kkonċentrata f’biss 5 pajjiżi. B’kollox, fl-Ewropa jintużaw 222 rotattiva.
2.7 Fl-Ewropa, is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huwa magħmul l-iktar minn intrapriżi kbar, kemm fl-offset bir-rombli (bejn wieħed u ieħor 30 intrapriża fl-Ewropa) kif ukoll fil-fotoinċiżjoni (bejn wieħed u ieħor 25 intrapriża fl-Ewropa). Dawn l-intrapriżi jikkompetu bejniethom biex itejbu sehemhom mis-suq fil-kuntest ta' domanda dinjija dejjem iċken. Dawn l-aħħar snin, is-settur tal-fotoinċiżjoni qed ikollu jiffaċċja kompetizzjoni aktar qawwija min-naħa tas-settur tal-offset bir-rombli. L-intrapriżi qed ikollhom jiffaċċjaw pressjoni dejjem aktar qawwija u l-imsieħba soċjali qegħdin iħabbtu wiċċhom man-negozjati dwar ir-ristrutturazzjonijiet filwaqt li jippruvaw iżommu kemm jista’ jkun l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi.
3. Raġuni
3.1 Il-problemi li qed ikollha tiffaċċja l-industrija grafika Ewropea b’mod ġenerali huma ferm akbar għas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni li ntlaqat bil-kbir minn sfidi kemm strutturali kif ukoll ċikliċi: it-tibdil globali fis-settur tal-mezzi tax-xandir kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-internet li qed iċekknu s-suq tal-prodotti stampati fil-qasam tal-informazzjoni, il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed, u l-konċentrazzjoni.
3.2 Żviluppi ġenerali fis-settur tal-mezzi tax-xandir
3.2.1 Matul is-snin li ġejjin, il-volum tal-prodotti huwa mistenni jkompli jonqos minħabba l-iżvilupp tal-pubblikazzjonijiet online, tal-pubbliċità fuq l-internet u l-bidla fl-imġiba tal-qarrejja li dan qed iġib miegħu.
Il-produzzjoni ta' direttorji u katalogi naqset matul dawn l-aħħar ħames snin. Il-produzzjoni ta' dawn l-oġġetti hija essenzjali għas-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni. Jekk din it-tendenza tkompli sejra, ser ikun hemm ristrutturazzjonijiet ġodda u fużjonijiet ġodda, ser ikollhom jagħlqu aktar siti ta' produzzjoni u ser ikun hemm aktar telf ta' impjiegi.
3.2.2 Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-settur Ewropew tar-rivisti mar għall-agħar u rreġistra tnaqqis kemm fil-bejgħ kif ukoll fil-prezzijiet (4). Barra minn hekk, skont l-Intergraf, erbgħa mis-sitt pajjiżi ewlenin li jipproduċu r-rivisti kellhom tnaqqis fil-bejgħ bejn l-2001 u l-2004, bl-eċċezzjoni ta' Spanja u l-Italja fejn il-bejgħ żdied bi ftit. Figuri aktar reċenti juru li s-swieqfl-Italja u fi Spanja bħalissa qegħdin jiċkienu. Fl-2009, l-investimenti tal-pubbliċità mmirati lejn ir-rivisti perjodiċi naqsu bi 28,7 % fl-Italja (Nielsen), filwaqt li l-produzzjoni tar-rivisti marret lura b’10,5 % f’termini ta' piż (Istat). Din it-tendenza għadha b’saħħitha u ser tkompli sakemm jibqa’ jkun hemm kapaċità żejda fis-settur. Peress li l-intrapriżi qed jimmiraw lejn swieq aktar speċjalizzati biex itejbu l-bejgħ tagħhom, qegħdin jordnaw inqas kopji stampati u dan qed ikollu impatt ħażin fuq is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, fejn l-iffrankar fl-ispejjeż tal-produzzjoni jista’ jsir biss meta jiġu stampati ammonti kbar ħafna.
3.2.3 Il-gruppi tal-istampa naqqsu l-ammont ta' gazzetti li jippubblikaw ta' kuljum minħabba t-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja. Fir-Renju Unit, pereżempju, mhux anqas minn 53 pubblikazzjoni (essenzjalment gazzetti li jitqassmu b’xejn kull ġimgħa) twaqqfu fl-2008. Uħud minn dawn il-gruppi jiżviluppaw offerti ta' abbonamenti akkoppjati, għal pubblikazzjonijiet kemm fil-verżjoni stampata kif ukoll diġitali, bi sforz biex tinsab komplementarità bejn dawn iż-żewġ forom ta' diffużjoni tal-informazzjoni u l-pubbliċità. Minkejja li għalissa għad m’hemm l-ebda ċertezza, din il-proċedura taf tgħin sabiex iżżomm lis-settur milli jibqa’ jmur lura u forsi tiffaċilita r-riklassifikazzjoni ta' wħud mill-impjegati.
3.2.4 Il-karta tirrappreżenta aktar min-nofs l-ispejjeż tal-istampar fl-Ewropa u, peress li l-intrapriżi jixtru l-karta fuq bażi individwali, qed isibuha diffiċli jiġġieldu kontra x-xiri fuq bażi kollettiva bħalma jsir fil-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. F’rapport reċenti ħafna, l-Istationers’ and Newspaper Makers’ Company stmat li d-domanda għall-karta tal-gazzetti ser tonqos bin-nofs (56 %) sal-2020. L-istess rapport jindika wkoll li d-domanda għar-rivisti x’aktarx ser tonqos b’madwar terz minħabba żieda fl-istampar online u r-reperkussjonijiet fuq il-pubbliċità, kif ukoll minħabba l-impatt tal-mezzi tax-xandir diġitali fuq is-settur tar-rivisti speċjalizzati fil-kummerċ (5).
3.2.5 Fil-passat, il-pubblikaturi kienu jippubblikaw fl-istamperiji tagħhom stess. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, ħafna biegħu l-istamperiji tagħhom sabiex jikkonċentraw fuq l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Illum il-ġurnata, hija rari li pubblikatur ikollu l-istamperija tiegħu. Barra minn hekk, kultant jużaw is-servizzi tal-intermedjarji u jordnaw ix-xogħol tal-istampar tagħhom mingħand l-istamperija li toffri l-orħos prezz. Din it-tendenza qed tkompli żżid il-pressjoni fuq l-intrapriżi grafiċi u qed tkompli tgħakkes settur li diġà huwa batut ħafna. Il-kapaċità żejda qed tagħmilha possibbli għal dawn il-pubblikaturi kbar u b’saħħithom li jimponu t-tnaqqis fl-ispejjeż. Dan qed iċekken il-marġini tal-intrapriżi grafiċi u qed ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq il-pagi tal-impjegati.
3.2.6 Il-pubblikaturi tal-katalogi u r-rivisti perjodiċi qed jagħmlu pressjoni simili fuq l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti tagħhom. Peress li għal kull kuntratt ikun hemm kompetizzjoni qawwija, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi grafiċi qed jippruvaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom bażikament billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi u dan qed iwassal sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiddeterjoraw.
3.2.7 Il-kriżi finanzjarja għandha konsegwenzi ħżiena fuq l-aċċess għall-kreditu tal-intrapriżi grafiċi, li għandhom l-iżvantaġġ li m’għandhomx reputazzjoni tajba mal-banek. Barra minn hekk, qed twassal għal tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità u dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-volum tax-xogħol.
3.2.8 Fl-aħħar nett, minkejja li hija xi ħaġa ta' min jixtieqha, jidher li huwa diffiċli għall-intrapriżi grafiċi li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom bħalissa mhumiex f’qagħda li jinvestu, speċjalment fil-prepress, minħabba n-nuqqas ta' mezzi finanzjarji u ta' bini disponibbli.
3.2.9 Min-naħa l-oħra, l-unitajiet ta' produzzjoni ż-żgħar u ta' daqs medju donnhom jistgħu jadattaw aktar faċilment għat-tibdiliet strutturali u għad-diffikultajiet ċikliċi minħabba li l-mod kif joperaw huwa aktar adatt għall-bżonnijiet ta' klijentela aktar diversifikata u b’hekk huwa aktar flessibbli. Fil-ġejjieni, dawn l-intrapriżi jistgħu jgħinu sabiex parti mill-impjegati tal-istrutturi l-kbar li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, parti li mhix faċli li tiġi kkwantifikata, ikunu jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
3.3 Kapaċità żejda u investiment żejjed
3.3.1 Iż-żieda fil-kapaċità żejda (6) tas-suq Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, li ġejja mit-tnaqqis fid-domanda fis-suq Ewropew kif ukoll mill-investiment żejjed, qed ikollha impatt ħażin fuq il-marġni żgħar tal-produtturi. Fejn qabel din ir-realtà kienet diġà qed tħalli impatt, issa hemm riskju serju li jibdew jiġu adottati miżuri aktar ħorox għat-tnaqqis tal-ispejjeż, bħala sforz iddisprat sabiex jinżammu l-marġni, jew inkella għas-sopravivenza. Bosta huma dawk l-intrapriżi li qed ikollhom jaċċettaw prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi mill-ispejjeż globali tal-produzzjoni tagħhom sabiex jillimitaw it-telf.
3.3.2 Skont studju mwettaq mill-UNI Europa Graphical, il-livell tal-produzzjoni grafika tas-settur fl-2008 reġa’ lura għal dak tal-2004 (7). Minkejja dan il-kuntest mhux favorevoli, l-intrapriżi Ewropej tar-rotogravure xtraw 28 magna ġdida bejn l-2005 u l-2008. Huwa minnu li dan l-investiment kien parzjalment tweġiba għal ċerti strateġiji relatati pereżempju mal-ħtieġa li jiġġedded il-materjal, li tingħata tweġiba għall-esiġenzi l-ġodda tas-suq u li tiġi pprovduta kapaċità supplementari sabiex il-livelli għolja ta' produzzjoni jkunu eventwalment iffaċċjati bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Dawn il-magni huma kapaċi jipproduċu materjal stampat b’mod aktar effiċjenti u dan iwassal għal żieda fil-kapaċità żejda tas-settur, li huwa stmat li qabel il-kriżi kienet bejn wieħed u ieħor bejn 15 u 20 % (8). Illum, bil-kriżi, il-kapaċità żejda hija bejn wieħed u ieħor bejn 25 u 30 %.
3.3.3 Skont it-trejdjunjin Ġermaniża ver.di, iż-żieda fil-kapaċità grafika fl-Ewropa kompliet żiedet il-pressjoni tal-kompetizzjoni, li issa saret diżastruża. L-analiżi tagħha tindika wkoll li dawn l-investimenti servew biss biex iżidu l-pressjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż u li jiġu eliminati l-kompetituri fis-suq, u dan diġà wassal għat-tnaqqis tal-impjiegi fuq skala kbira.
3.3.4 Il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed diġà ġabu magħhom numru konsiderevoli ta' fallimenti kbar. Waħda minn dawn l-intrapriżi, Quebecor World, kienet waħda mill-intrapriżi grafiċi ewlenin fl-Ewropa u kienet timpjega aktar minn 20 000 ruħ madwar id-dinja. Fl-2008, il-Quebecor World għalqet minħabba l-kompetizzjoni eċċessiva u ż-żieda fl-użu tal-istampar diġitali. Fl-2009, l-intrapriża rrimborżat id-dejn li kellha u issa hija magħrufa bħala World Color, wara li ċediet l-attività Ewropea tagħha lil fond ta' investiment li jġib l-isem ta' HHBV. Minbarra dawn il-fallimenti, bosta intrapriżi qed ikollhom il-problemi minħabba l-fużjonijiet; dan il-proċess wassal għal ristrutturazzjonijiet kbar ħafna fis-settur u min-naħa tiegħu dan wassal għat-telf ta' impjiegi.
3.3.5 Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, il-kriżi ekonomika kellha riperkussjonijiet serji fuq in-negozjar tal-pagi matul l-2009. Anke meta l-impjiegi jiġu ppreservati, il-pressjoni qawwija li qed issir fuq il-ħaddiema sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol qed ikollhom effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll fuq il-pagi. In-negozjati kollettivi tal-2009 wasslu għal tnaqqis medju ta' -0,9 % tal-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati fl-industrija grafika Ewropea (9). It-tkabbir tas-suq ikkontribwixxa għat-tisħiħ tad-deterjorament ċikliku tal-prezzijiet u l-ispiża tax-xogħol kif ukoll tal-ambjent kompetittiv.
3.4 Konċentrazzjoni
3.4.1 Dawn l-aħħar snin, in-numru ta' intrapriżi li jipproduċu l-karta, il-linka u l-makkinarju tal-istampar naqas u dan wassal għal konċentrazzjoni aktar qawwija li poġġiet lill-fornituri f’pożizzjoni ta' saħħa li tagħmilhielhom possibbli jimponu l-kundizzjonijiet tagħhom aktar faċilment.
3.4.2 Barra minn hekk, studju reċenti dwar is-settur grafiku Ewropew juri li l-kapaċità żejda, l-investiment żejjed, id-domanda baxxa, il-prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti, it-tnaqqis fil-bejgħ u ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-suq wasslu għal fużjonijiet u akwiżizzjonjiet u għal fallimenti ġodda (10).
3.4.3 Il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet wasslu għal intrapriżi akbar u aktar determinati li jeliminaw il-kompetituri tagħhom. B’hekk, fl-2005, permezz tal-fużjoni tal-attivitajiet grafiċi tal-gruppi tax-xandir Bertelsmann, Gruner + Jahr u Springer, inħolqot Prinovis, l-akbar intrapriża tal-fotoinċiżjoni fi ħdan l-industrija grafika Ewropea. Barra minn hekk, il-grupp Schlott AG laħaq it-tieni post fir-rotogravure fl-Ewropa bis-saħħa tal-akwiżizzjoni tal-intrapriża REUS (Plzeň, ir-Repubblika Ċeka) kif ukoll ta' kapaċità ta' tiwi u stampar (Biegelaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-2006 u fl-2007. Fil-bidu tal-2008, grupp ta' investiment Olandiż ħa f’idejh l-attivitajiet grafiċi Ewropej ta' Quebecor. Il-grupp Britanniku Polestar qiegħed ifittex ma' min jissieħeb sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.
4. Inħarsu ’l quddiem
4.1 Dawn id-diffikultajiet kollha qed ipoġġu s-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tkun ta' detriment fuq perijodu fit-tul jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, flimkien mal-partijiet interessati l-oħra, ma jaġixxux b’mod urġenti u koordinat. L-imsieħba soċjali kollha waslu għall-konklużjoni li s-settur għandu bżonn jiġi organizzat u strutturat mill-ġdid jekk irid jiżgura l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul. Hemm ir-riskju li x’aktarx matul l-għaxar snin li ġejjin ikun hemm aktar razzjonalizzazzjoni u ħafna impjegati jingħataw is-sensja. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali jqisu li għandhom jittieħdu inizjattivi issa sabiex jiġi żgurat li l-kriżi li qed jiffaċċja s-settur tiġi kkontrollata u ġestita fl-aħjar interess ta' min iħaddem u tal-impjegati. Il-kriżi tant hija serja li t-trejdjunjins bħalissa qed jeżaminaw l-implikazzjonijiet tagħha u qed jippruvaw ifasslu strateġiji kostruttivi sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi, jiġi ppjanat il-bdil tal-kompiti tal-impjegati, tiġi evitata d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jinżamm il-livell tal-pagi.
4.2 Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet professjonali, ipproponiet pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika f’sitt punti:
1) |
Appoġġ għad-dinamika tal-industrija tal-istampar Ewropea f’suq globalizzat;
|
2) |
L-iżvilupp ta' servizzi b’valur miżjud qawwi għall-klijenti; |
3) |
Titjib fit-taħriġ; |
4) |
It-tisħiħ tal-istandard Ewropew – standardizzazzjoni u armonizzazzjoni; |
5) |
Żieda koordinata fl-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni; |
6) |
Titjib tar-reputazzjoni tal-industrija grafika. |
Il-KESE jappoġġja din il-proposta kollha kemm hi, li għadha ġeneralment attwali, u jinsab sodisfatt bil-progress li diġà sar. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet tas-settur li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li din ġabet magħha fl-Istati Membri kollha tal-UE, iqis li hemm bżonn li jittieħdu ċerti miżuri urġenti sabiex jgħinu lis-settur jindirizza l-isfidi li se jkollu jiffaċċja fuq perijodu qasir.
4.3 Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja saħħet il-bżonn urġenti ta' reazzjoni ppjanata u koordinata min-naħa tal-imsieħba soċjali. Aktar minn qatt qabel, hemm bżonn li tiġi ddefinita politika industrijali Ewropea ġenwina bbażata fuq il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni. Ma jkunx adatt li l-proċess ta' konċentrazzjoni jissaħħaħ aktar minn dak li huwa meħtieġ, avolja għandha ssir konsolidazzjoni kkontrollata li tittratta l-bidliet b’attenzjoni, anke jekk dan ifisser tnaqqis fil-ħin tax-xogħol. L-għan ikun li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi kemm jista’ jkun u li jiġu ppjanati mezzi effiċjenti għall-bdil fil-kompiti tal-impjegati u l-mobbiltà interna u esterna. B’konformità mar-Regolament 2658 KE 2000 li bħalissa qed jiġi rivedut, jista’ jkun li jsiru ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni bejn intrapriżi li flimkien ma jaqbżux l-20 % tas-sehem mis-suq; sabiex itejbu t-tekniki tal-produzzjoni u b’hekk iwettqu ekonomiji ta' skala li jkunu jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-perennità tal-intrapriżi tiġi ppreservata.
4.4 Tista’ tiġi eżaminata l-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tagħha fuq kif il-prezzijiet jiġu stabbiliti. Għandu jkun possibbli li jitħaddem il-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa u mhux imxekkla, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards deċenti tax-xogħol u ta' pagi u l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi kull fejn jeżistu fl-UE.
4.5 Il-kapaċità żejda tas-settur għandha titnaqqas b’mod koordinat. Id-djalogu soċjali u n-negozjati kollettivi għandhom jiżviluppaw fil-livelli kollha f’kull pajjiż sabiex ir-ristrutturazzjoni tiġi ġestita fuq il-bażi ta' linji gwida li huma soċjalment aċċettabbli. Barra minn hekk, huwa urġenti li jiġi stabbilit djalogu soċjali formali u strutturat fil-livell Ewropew sabiex jitfasslu soluzzjonijiet adatti għall-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija. Il-KESE jfakkar li d-djalogu soċjali settorjali jista’ jwassal għall-adozzjoni ta' opinjonijiet, dikjarazzjonijiet komuni, linji gwida, kodiċijiet ta' kondotta, karti u ftehimiet.
4.6 L-għajnuna finanzjarja u loġistika tal-Kummissjoni Ewropea hija indispensabbli sabiex l-industrija tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa tibqa’ b’saħħitha u prospera fil-ġejjieni. Il-KESE jħeġġeġ lill-intrapriżi jitolbu l-intervent tal-għajnuniet Ewropej disponibbli, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Tkun ukoll ħaġa tajba li tiġi vvalutata l-kapaċità tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jintervjeni sabiex jiffinanzja l-adattament tal-intrapriżi għall-attivitajiet li jitolbu l-użu ta' teknoloġiji ġodda. Is-sistemi differenti ta' għajnuna għandhom jintużaw biss sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil u mhux biex jiġu ffinanzjati indirettament ir-rilokazzjonijiet.
4.7 Fil-futur immedjat, il-KESE qed jipproponi erba’ inizjattivi:
4.7.1 |
Il-ħolqien ta' grupp ta' riflessjoni ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, impjegati u riċerkaturi sabiex jidentifika kif l-industrija grafika tista’ tiġi organizzata fuq perijodu medju u jagħmel proposti dwar il-mudell kummerċjali l-ġdid li ser ikollu jiġi stabbilit. |
4.7.2 |
L-organizzazzjoni ta' konferenza għall-partijiet interessati kollha sabiex tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni u jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni u li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jaqbad it-triq lejn funzjonament sostenibbli. |
4.7.3 |
Studju independenti ffinanzjat mill-Kummissjoni fil-qafas tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew sabiex jixħet ftit dawl fuq il-futur tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju, billi jiġu kkunsidrati b’mod partikolari t-teknoloġiji l-ġodda, l-iżvilupp tal-imġiba tal-konsumaturi u l-istrateġiji tal-provvedituri u tal-klijenti. |
4.7.4 |
Il-ħolqien ta' osservatorju, jew kunsill settorjali, għall-impjiegi u l-kompetenzi sabiex jiġu identifikati l-impjiegi tal-lum u ta' għada. Sabiex jiġu ddefiniti l-politiki adatti dwar it-taħriġ u l-bdil fil-karrieri, huwa assolutament neċessarju li jiġu identifikati l-kompetenzi meħtieġa. |
4.8 Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti tal-iżvilupp tal-professjoni, il-Kummissjoni għandha tattrezza ruħha b’sistema ta' ġbir ta' informazzjoni u data affidabbli li tkun aċċessibbli għall-partijiet interessati.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ifo, Investitionstest, München, Frühjahrsgutachten 2008 (Stħarriġ dwar l-investiment, Munich, rebbiegħa 2008).
(2) Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).
(3) Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).
(4) Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).
(5) The Future of Paper and Print in Europe, Stationers’ and Newspaper Makers’ Company (2009).
(6) Gennard J., The Impact of the financial crisis on the European graphical industry (2009).
(7) Konferenza Ewropea dwar ir-rotokalk u l-offset, 16-20 ta' Marzu 2009, Verona (l-Italja).
(8) Ibid.
(9) Gennard J., Report on UNI Europa’s collective agreements (2009).
(10) Gennard J., Annual Collective Bargaining Survey. UNI Europa (2008).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/105 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bidliet u prospetti tas-sottosettur tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/17
Relatur: is-Sur PEZZINI
Korelatur: is-Sur BOOTH
Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Bidliet u prospetti tas-sottosettur tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Lulju 2010.
Matul il-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l 15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 1 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (1)
1.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-importanza tas-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti fl-Ewropa li jipprometti tajjeb kemm f’termini ta’ żvilupp ekonomiku u teknoloġiku, kif ukoll minħabba r-rabtiet mill-qrib li għandu mal-kuntesti operattivi u tal-impjiegi fil-lokalitajiet, b’possibbiltà ta’ kontribut importanti kontinwu għall-iżvilupp ta’ ekonomija Ewropea li tiżgura l-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali.
1.2 Il-KESE jitlob li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol tniedi inizjattiva pilota biex tinħoloq mappa tad-daqs u d-distribuzzjoni ġeografika tal-intrapriżi fis-settur u tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, kif ukoll tad-daqs tal-ekonomija informali fis-settur. B’mod parallel, il-KESE jitlob li jsiru għadd ta’ diskussjonijiet dwar il-klassifikazzjoni NACE tas-settur, biex jiżguraw li l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tiegħu jiġu identifikati b’mod adegwat.
1.3 Fi ħdan l-inizjattivi Ewropa 2020, li jiġġieldu t-tisħin globali, il-KESE jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li s-sostenibbiltà u l-effiċjenza tar-riżorsi fis-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti u l-potenzjal tiegħu li joħloq postijiet tax-xogħol u investiment jitqiesu fl-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet ambjentali ġodda.
1.4 Il-Kumitat iqis li l-iżvilupp ta’ djalogu soċjali strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali huwa indispensabbli u jissuġġerixxi li l-Komunità tiffinanzja netwerk ta’ skambju tal-aħjar prattiki:
— |
għall-iżvilupp tal-kwalifiki u l-professjonalità u r-rekwiżiti ta’ taħriġ rilevanti, li jiġu definiti permezz ta’ inizjattiva speċifika taċ-CEDEFOP; |
— |
għad-definizzjoni ta’ kondizzjonijiet ġusti tax-xogħol, tas-sikurezza u tas-saħħa, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao; |
— |
għal rappreżentanza adegwata tal-imsieħba soċjali tas-settur fil-Kumitat Ewropew għas-Servizzi tal-Manutenzjoni. |
1.5 Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet komunitarji dwar l-informazzjoni, il-konsultazzjoni tal-ħaddiema u t-twaqqif u t-tmexxija korretti tal-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew, bl-iżvilupp ta’ eżerċizzju parteċipattiv ta’ previżjoni fis-settur, fil-livell Ewropew u bl-appoġġ tal-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi (IPTS) f’Sevilja.
1.6 Fil-fehma tal-Kumitat, l-applikazzjoni tal-istandards soċjali u ambjentali Ewropej fl-akkwisti pubbliċi “ekoloġiċi u soċjali”, bl-applikazzjoni sħiħa u trasparenti tad-dispożizzjonijiet relatati, hija kondizzjoni essenzjali għal żvilupp b’saħħtu tas-settur u bil-komponenti kollha li jirrispettaw l-istandards ta’ kwalità teknika u soċjali, speċjalment fir-rigward tas-sistema tas-subappalti u tar-responsabbiltajiet, li tolqot il-katina kollha tal-provvista.
1.7 Il-Kumitat jitlob li jkun hemm spazju adegwat:
— |
fil-programmi annwali ta’ ħidma tas-7 Programm Qafas tar-RTD, |
— |
fil-Programm multiannwali għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni,u |
— |
fil-Fondi Strutturali |
għall-proġetti ta’ innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva fis-settur, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza u l-iffrankar tar-riżorsi, il-loġistika integrata u t-traċċabbiltà tal-prodotti pprovduti, anke bl-għajnuna tal-applikazzjonijiet tal-programm Galileo. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiffaċilita l-investiment, speċjalment għall-SMEs.
1.8 Il-Kumitat jitlob li l-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni jkomplu jfittxu li jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji li jkunu dejjem aktar avvanzati mil-lat ambjentali, soċjali u teknoloġiku, applikabbli għall-katina kollha tas-settur, anke fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi, u li dawn ikollhom impatt pożittiv fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati.
1.9 Fil-fehma tal-Kumitat, ikun xieraq li l-Fondi Strutturali jintużaw fil-livell regjonali biex jissaħħu b’mod innovattiv in-netwerks tad-distretti Ewropej tas-settur u jiġu żviluppati korpi bilaterali fid-dawl tal-esperjenzi pożittivi tad-diversi Stati Membri, speċjalment għal skopijiet ta’ taħriġ u edukazzjoni, anke fil-kamp lingwistiku.
1.10 Il-Kumitat iqis li d-diffużjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki huwa importanti, l-istess bħall-ħolqien ta’ entitajiet bilaterali, li jeżistu f’diversi pajjiżi u li taw riżultati tajbin fil-promozzjoni tar-riżorsi umani fis-settur.
1.11 Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ kampanja Ewropea dwar is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-trasparenza ekonomika, soċjali u ambjentali fl-industrija tas-servizzi tat-tessuti u dwar il-kondizzjonijiet u l-prospetti ta’ xogħol fis-settur b’applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari tad-drittijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tan-negozjati kollettivi.
1.12 Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw qafas strateġiku għas-settur tal-industrija tas-servizzi tat-tessuti, u jisfruttaw il-kompatibbiltà sħiħa tal-iżvilupp ekonomiku, produttiv u okkupazzjonali tiegħu mal-għanijiet tat-tkabbir sostenibbli li hemm fl-objettivi 20/20/20 għall-2020.
2. Introduzzjoni
2.1 Is-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti jinkludi firxa wiesgħa u varjata ta’ intrapriżi li fuq livell industrijali jwettqu servizzi ta’:
— |
londri u dry cleaning industrijali kif ukoll kiri ta’ prodotti tat-tessuti lill-intrapriżi tal-manifattura u tas-servizzi kif ukoll lill-individwi; |
— |
kiri, tiswija u manutenzjoni ta’ ħwejjeġ u overalls tax-xogħol, uniformijiet u ħwejjeġ protettivi u tas-sikurezza; |
— |
ħasil, kiri, tiswija u rfinar tal-bjankerija tal-lukandi, ristoranti u kafetteriji; |
— |
ħasil, kriri, sterilizzazzjoni, tiswija u rfinar tal-ħwejjeġ u l-bjankerija tat-tobba, il-paramediċi; u l-pazjenti fl-isptarijiet, djar tal-anzjani u l-komunitajiet; |
— |
kiri, sterilizzazzjoni ta’ strumenti u tessuti kirurġiċi u l-provvista ta’ kits mediċi sterilizzati; |
— |
provvista, kiri u tiswija ta’ prodotti tat-tessuti intelliġenti li jkun hemm integrat fihom funzjonijiet user-friendly u ta’ kumdità kbira; |
— |
l-irfinar industrijali, filtri, materjal assorbenti kontra t-trab u servizzi tat-tessuti simili, għall-impjanti tal-produzzjoni u ambjenti tax-xogħol sterilizzati; |
— |
servizzi tat-tessuti marbutin mal-iġene u s-saħħa kif ukoll prodotti tat-tessuti komplementari/alternattivi; |
— |
l-irfinar u servizzi speċifiċi marbutin mas-sistema tal-moda. |
2.2 Is-servizzi tal-londri industrijali huma importanti ferm għal diversi attivitajiet marbutin mal-forniment tal-ikel u t-turiżmu, bħar-ristoranti, il-lukandi, il-komunitajiet, il-vapuri tal-kruċieri, eċċ., kif ukoll biex ifornu tessuti protettivi avvanzati lil medda wiesgħa ta’ setturi tal-manifattura u dawk kummerċjali, filwaqt li jżomm rabta qawwija mat-territorju, b’riskju baxx ta’ rilokazzjoni barra mill-UE.
2.3 Is-servizzi tal-londri huma importanti wkoll għall-industrija tat-tessuti, peress li dawk li jipproduċu l-ħwejjeġ ikollhom bżonn li l-prodotti jgħaddu minn fażi ta’ testjar u ta’ ħasil qabel ma jkunu jistgħu joħorġu fis-suq. Minħabba l-ammont ta’ xogħol u l-ħtieġa assoluta li l-ħasil jagħti riżultati perfetti, is-servizzi tal-londri fl-industrija tat-tessuti jkollhom bżonn li l-intraprendituri jkollhom magni avvanzati u impjegati mħarġa professjonalment u li jaħdmu f’kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati.
2.4 Is-servizzi tal-londri industrijali għall-lukandi jikkonsistu fil-kura u l-ħasil tal-bjankerija kollha tal-lukanda, li trid tgħaddi minn ċiklu kontinwu ta’ manutenzjoni u tindif. Minħabba r-ritmu ta’ dan ix-xogħol, l-intrapriża li toffri s-servizz tal-londri trid tkun kapaċi tlaħħaq mar-ritmu mingħajr ebda tnikkir jew dewmien, permezz tal-kwalità tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-professjonalità tal-impjegati.
2.5 Mas-servizzi tal-londri ngħaqdu s-servizzi tal-kiri ta’ prodotti, li dejjem iktar huma sofistikati u li jridu jissodisfaw l-aktar rekwiżiti tekniċi u funzjonali avvanzati, kif ukoll rekwiżiti regolatorji ambjentali u tekniċi dejjem aktar stretti, b’mod partikolari għat-tagħmir protettiv u l-provvisti militari avvanzati.
2.6 L-industrija tas-servizzi tat-tessuti, komplessivament, matul dawn l-aħħar snin żviluppat sistemi importanti ta’ innovazzjoni teknoloġika kemm“BtoB” kif ukoll“BtoC” (2) kemm fil-kwalità kif ukoll fil-livelli ambjentali u tekniċi tal-provvisti tradizjonali, inklużi dawk marbutin mas-saħħa u l-iġene, lill-industrija tal-lukandi, l-isptarijiet, kif ukoll fil-provvista ta’ tessuti protettivi avvanzati jew“intelliġenti” (3).
2.7 Is-settur tradizzjonali jaħdem fuq skala importanti, għandu dħul ta’ madwar EUR 9 biljun (2007), huwa ġeografikament ikkonċentrat u ddominat minn ftit industriji multinazzjonali (4). Il-bqija tas-suq huwa fframmentat ħafna f’għad kbir ta’ intrapriżi żgħar li jaħdmu lokalment. Is-suq qiegħed jikber b’rata mgħaġġla kemm fil-provvista (madwar EUR 10 biljun fis-sena) kif ukoll fl-għadd ta’ ħaddiema (’il fuq minn 200 000).
2.8 Is-settur tal-ħwejjeġ protettivi bi prestazzjoni għolja qed jiżviluppa malajr u huwa marbut mal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ tessuti intelliġent, ibbażat fuq: materjali intelliġenti, proċessi ta’ produzzjoni avvanzati, integrazzjoni tal-funzjonijiet u kumdità kbira kif ukoll il-prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju personali. Bħalissa d-daqs tas-suq tat-tagħmir għall-protezzjoni individwali, li jinsab fl-aktar swieq mexxejja (Lead Markets) promettenti fl-UE (5) huwa stmat li jilħaq bejn EUR 9,5 u EUR 10 biljun, b’madwar 200 000 impjegat direttament jew indirettament involuti fil-prodotti u s-servizzi tat-tagħmir.
2.9 It-talba tas-suq għal dawn il-prodotti u s-servizzi tiddependi minn regolamentazzjoni aktar stretta f’dak li jirrigwarda l-livelli ta’ sigurtà personali fuq il-post tax-xogħol, prestazzjoni u rekwiżiti tas-sikurezza ogħla għall-impjegati kollha u ġestjoni aħjar tar-riskji għall-persuna, it-tixrid ta’ kultura ta’ affidabbiltà, u x-xewqa li jiġu evitati ilmenti potenzjali.
2.10 L-attenzjoni li s-settur jagħti lill-impatt ambjentali tal-proċessi u s-servizzi tat-tessuti hija importanti ħafna. L-industrija tas-servizzi tat-tessuti kellha diversi kontrolli għall-impatt ambjentali fil-forma ta’ Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (6).
3. L-għan tal-Opinjoni fuq inizjattiva proprja
3.1 Din l-opinjoni għandha l-għan li teżamina l-kondizzjonijiet għal żvilupp tas-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti li:
— |
jirrispetta l-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tar-riżorsi umani, speċjalment f’termini ta’ saħħa u sigurtà; |
— |
jibbaża fuq id-djalogu strutturat settorjali bejn l-imsieħba soċjali fil-livelli differenti; |
— |
ikun akkumpanjat minn kwalifiki u professjonalità akbar tal-impjegati u prospetti ta’ impjegar ibbażati fuq proċess ta’ taħriġ u edukattiv aktar mgħaġġel; |
— |
ħarsien akbar tal-ambjent u tar-riżorsi tal-enerġija u tal-ilma, tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja u r-riċiklaġġ tal-prodotti; |
— |
investiment fl-innovazzjoni teknoloġika, tal-loġisitika u organizzattiva f’ambjent miftuħ li jipprevjeni l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, u jiżgura ambjent favorevoli għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; |
— |
jippromovi l-kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità kif ukoll l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ livelli tekniċi u regolatorji avvanzati; |
— |
jiżgura t-trasparenza fl-akkwisti pubbliċi bir-rispett sħiħ tar-rekwiżiti ambjentali u tal-klawżoli soċjali, speċjalment fil-katina tas-subappalti; |
— |
jiżgura viżibbiltà u trasparenza akbar tas-settur li jtejbu l-immaġni tiegħu. |
3.2 Fil-11 ta’ Mejju 2010, il-KESE organizza seduta pubblika fi Brussell dwar is-suġġett, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, l-intraprendituri tas-settur fil-livell nazzjonali u dak Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f’Bilbao u tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ ENTR), il-korpi bilaterali, attivi fl-attivitajiet differenti nazzjonali, kif ukoll l-intrapriżi individwali kbar produttivi jew tas-servizzi.
4. Kummenti ġenerali
4.1 Il-KESE jemmen li kondizzjoni preliminari għall-iżvilupp ta’ strateġija u ta’ pjan ta’ azzjoni fis-settur tkun it-tnedija ta’ inizjattiva pilota, fil-livell Ewropew, bl-iskop li toħloq mappa u analiżi tas-setturi differenti, li jvarjaw ħafna bejniethom, tal-industrija Ewropea tas-servizzi tat-tessuti, tad-distribuzzjoni ġeografika u tad-daqs fl-UE-27, li tikkunsidra l-element qawwi ta’ sessi u l-eżistenza ta’ settur informali li mhuwiex regolat.
4.2 Il-KESE jqis li hemm bżonn li s-settur jiġi definit aħjar biex ikun jista’ jiġi identifikat aħjar fis-sistema NACE tal-kodiċi Ewrostat biex b’hekk l-andament ekonomiku, l-investiment, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kwalifiki professjonali jkunu jistgħu jiġu segwiti aħjar.
4.3 Is-settur industrijali tas-servizzi tat-tessuti huwa partikolarment dinamiku u qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla u l-potenzjal ta’ żvilupp tiegħu hija marbuta mill-qrib mat-titjib fl-isfond soċjokulturali u l-kapaċità teknika u ekonomika tal-intrapriżi.
4.4 Il-KESE iqis li huwa importanti li l-korpi Ewropejta’ standardizzazzjoni jiżviluppaw standards tekniċi regolatorji li jkunu dejjem aktar avvanzati mil-lat ambjentali, soċjali u teknoloġiku għas-settur, anke fuq il-bażi tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, biex jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti, il-proċessi u s-servizzi, kif ukoll il-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, filwaqt li jżommu l-kompetittività fuq livell dinji.
4.5 L-iżvilupp tas-settur għandu bżonn ta’ djalogu strutturat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, li jiddefinixxi kondizzjonijiet ġusti biex tifforma bażi komuni għas-settur fl-Ewropa, b’konformità mal-implimentazzjoni tad-direttivi komunitarji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Il-KESE jqis li s-settur għandu jsir bilanċ aħjar bejn il-prinċipji tas-sodisfazzjon tal-klijent u l-motivazzjoni tal-impjegat kif jiġri f’xi industriji produttivi avvanzati.
4.6 Il-KESE jqis li l-applikazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija essenzjali għall-iżvilupp tas-settur, b’mod partikolari d-drittijiet tal-ħaddiema u tan-negozjati kollettivi fl-intrapriżi kollha tal-katina tal-produzzjoni u tas-servizzi tas-settur fl-UE.
4.7 Fil-fehma tal-Kumitat, l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-korpi fl-Istati Membri hija s-soluzzjoni Ewropea li għandha tintgħażel permezz tal-iffinanzjar ta’ proġetti transnazzjonali Ewropej fil-qasam.
4.8 Il-ħarsien tal-ambjent irid jingħata l-ogħla prijorità minn dan is-settur industrijali bil-promozzjoni tat-tixrid tal-EMAS u l-ekotikketti kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istandards ISO 14000.
4.8.1 Id-data dwar l-industrija għall-2006 tirrappreżenta bażi tajba għad-diskussjoni u l-analiżi biex jiġi studjat l-iżvilupp tas-setturi differenti (7), iżda din għandha tiġi aġġornata almenu kull sentejn u jrid ikollha valutazzjoni tal-impatt ambjentali li tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat.
4.8.2 Hemm bżonn ta’ valutazzjoni sħiħa tal-isforz tas-settur għat-tixrid taċ-ċertifikat EN 14065 bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk is-suq ikun regolat u bis-saħħa ta’ inċentivi, anke ta’ natura fiskali, jixterdu l-aħjar prattiki b’tikketti ta’ kwalità.
4.8.3 Hemm bżonn li l-funzjonalità u ż-żamma ta’ dawn il-karatteristiċi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodott tat-tessuti jitqiesu fl-għażla ta’ liema ħwejjeġ għandu jkollhom soluzzjonijiet“full service”.
4.8.4 Il-KESE jqis li huwa importanti li s-settur jkollu sehem attiv fl-applikazzjoni tas-solventi u s-sustanzi kimiċi li jintużaw u li jidħlu fir-Regolament Komunitarju tar-REACH, kif ukoll fl-applikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-ilma.
4.9 Il-Kumitat jitlob li jkun hemm spazju adegwat fil-programm ta’ ħidma annwali tas-7 Programm Qafas tar-RTD, fil-Programm Multiannwali tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u fil-miżuri tal-Fondi Strutturali għall-proġetti ta’ innovazzjoni teknoloġika u organizzattiva fis-settur, fir-rigward tal-loġistika integrata u t-traċċabbiltà tal-prodotti pprovduti, anke bl-għajnuna tal-applikazzjoni tal-programm Galileo. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiffaċilita l-investiment, speċjalment għall-SMEs.
4.10 Fl-akkwisti pubbliċi trid tingħata garanzija ta’ applikazzjoni sħiħa u trasparenti tad-dispożizzjonijiet bħala kondizzjoni essenzjali għall-iżvilupp“ekoloġiku u soċjali” tas-settur, speċjalment fir-rigward tas-sistema tas-subappalti u tar-responsabbiltajiet, li tolqot il-katina kollha tal-provvista.
4.11 Fl-innovazzjoni teknoloġika, tal-loġisitika u organizzattiva jrid jiġi garantit ambjent miftuħ li jipprevjeni l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti, u jiżgura ambjent favorevoli għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
4.12 Iridu jiġu żgurati kwalifiki u professjonalità akbar tal-impjegati u prospetti ta’ impjegar ibbażati fuq proċess ta’ taħriġ u edukattiv aktar mgħaġġel, bl-iżvilupp ta’ eżerċizzju parteċipattiv fis-settur tal-previżjoni bl-appoġġ tal-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi (IPTS) f’Sevilja u miżuri tal-Fondi Strutturali biex jiżviluppaw korpi bilaterali għal skopijiet ta’ taħriġ u edukazzjoni, anke fil-kamp lingwistiku.
4.13 Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iridu jsiru waħda mill-prijoritajiet fl-iżvilupp tal-kwalità tas-settur: l-imsieħba soċjali settorjali fil-livell Ewropew iridu jiżviluppaw djalogu strutturat u jridu jsibu rappreżentazzjoni adegwata fil-Kumitat Ewropew għas-Sigurtà fil-Manutenzjoni.
4.14 Il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta kemm jista’ jkun malajr Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea ekonomika u tal-impjiegi possibbli għall-iżvilupp fis-settur tal-industrija tas-servizzi tat-tessuti biex jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-settur, b’rabta mal-inizjattiva Ewropea tas-Swieq Mexxejjas fejn is-servizzi tat-tessuti jissemmew għal potenzjal strateġiku tagħhom ta’ suċċess
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Informazzjoni addizzjonali dwar l-opinjoni, bħall-preżentazzjonijiet li saru waqt is-seduti, annessi tekniċi u riżultati ta’ stħarriġ statistiku huma disponibbli fuq is-sit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
http://www.eesc.europa.eu/sections/ccmi/Hearingsandconferences/Textile_2010/index_en.asp
(2) Ara Servizzi kumplessif fl-Żviluppi fis-settur tas-servizzi lin-negozju fl-Ewropa (opinjoni esploratorja) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 26-33
(3) Ara EUROPA INNOVA – INNOVATION WATCH. Sectorial Innovation Foresight: Textile and Clothing – RAPPORT INTERMEDJU ĠUNJU 2009 p.3-4.- 9 -10.
(4) Elis, Rentokil, Johnson Service, Davis, Alsco, HTS, eċċ.
(5) Ara Lead Market Initiative for Europe/Mid-term progress report. SEC(2009) 1198 finali, 9.9.2009.
(6) Ara l-anness 1 http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.textile-services-sub-sector-in-europe
(7) Ara Nota 5.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/110 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/18
Relatur: is-Sur IOZIA
Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.
1. L-opinjoni fil-qosor
1.1 “Nixtieq nagħmilha ċara li b’investiment f’teknoloġiji li għandhom inqas impatt fuq il-klima u effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, inkunu qed niksbu vantaġġ ekonomiku. L-opportunitajiet huma enormi.”
Connie Hedegaard, Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima
1.2 L-ewwel parti tat-tielet millenju bdiet b’mistoqsijiet ġodda dwar il-ġejjieni tal-pjaneta. Minħabba r-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa, iż-żieda fid-domanda dinjija għall-enerġija, il-fatt li s-sorsi tradizzjonali qed jispiċċaw fi żmien relattivament qasir, il-fatt li ċ-ċittadini huma aktar konxji u qed jitolbu miżuri adegwati li jilqgħu u jtaffu l-effetti negattivi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mudell ta’ żvilupp, li jonqos il-konsum u li jiżdied l-użu ta’ sorsi alternattivi u rinnovabbli li jgħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-politiki Ewropej għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ Ewropa ħadra, soċjali u kompetittiva.
1.3 Il-bżonn li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u li titnaqqas id-dipendenza minn żoni politikament instabbli jew pajjiżi kompetituri, flimkien ma’ bidla progressiva fit-taħlita tal-enerġija lejn enerġiji nodfa u rinnovabbli, iwasslu biex l-ekonomija l-ħadra ġdida tkun fattur ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ tkabbir tal-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi għal bilanċ ekonomiku, soċjali u ambjentali ġdid.
1.4 L-għan ta’ din l-opinjoni għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa li janalizza l-prospetti għall-“impjiegi ħodor u sostenibbli” u jidentifika l-istrumenti adatti biex dawn jiġu appoġġjati u promossi.
1.5 Biex jitkejlu l-effetti ta’ dawn il-politiki ġodda, hemm bżonn li nżommu quddiem għajnejna “il-bilanċ” bejn l-impjiegi l-ġodda maħluqa u l-impjiegi l-qodma li ntilfu, jiġifieri dawk l-hekk imsejħa “impjiegi suwed” (minjieri tal-faħam, bini u manutenzjoni tal-power stations tradizzjonali, eċċ.). Dawn il-proċessi ta’ tibdil iridu jkunu akkumpanjati minn politiki mmirati għall-ħarsien tad-dħul, tat-taħriġ u tal-kwalifikazzjoni professjonali mill-ġdid. L-ekonomija ħadra ġdida trid tiġi esperjenzata mill-ħaddiema u miċ-ċittadini bħala opportunità kbira, u għandha tinkludi l-prinċipji tax-xogħol deċenti u tixpruna żvilupp soċjalment, ambjentalment u ekonomikament sostenibbli.
1.6 L-istrateġija Ewropea ta’ transizzjoni lejn politika ekonomika u industrijali bi ftit emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għandha tkun ibbażata fuq djalogu bejn il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar it-tibdil ekonomiku u industrijali u dwar l-investiment fit-teknoloġiji adatti għal impjiegi ħodor ġodda u deċenti kif ukoll f’kompetenzi ħodor ġodda.
1.7 Biex din l-istrateġija tirnexxi, huwa indispensabbli li l-awtoritajiet nazzjonali u lokali, l-intrapriżi u l-għaqdiet tal-ħaddiema jkunu involuti fi djalogu kostanti, biex jiġi verifikat l-impatt fuq l-impjiegi u fuq is-suq tax-xogħol. Mhu ser ikun hemm l-ebda progress mingħajr l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima (CLIM) li għandu jikkoordina kemm il-politiki interni kif ukoll dawk esterni tal-Unjoni marbutin mal-fatt li jittaffew l-effetti u jsir adattament għat-tibdil fil-klima.
1.8 Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jinħoloq strument permanenti ta’ konsultazzjoni, biex jiġu antiċipati l-waqgħat mill-ġdid fit-transizzjoni soċjoekonomika, biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-kunsilli settorjali, u biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi. L-aġenzija għall-ambjent għandha tingħata r-responsabbiltà wkoll għat-“traċċabilità” effettiva tal-emissjonijiet, li tkopri kull livell tal-produzzjoni u tat-trasport, skont il-metodu LCA, b’konformità mal-istandards ISO tas-serje 14040 u kif definit fil-Green Paper COM(2001)68 finali u fil-Komunikazzjoni COM(2003) 302 finali dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti, u kif inhu ssuġġerit ukoll, almenu b’mod indirett, fir-Regolamenti Ewropej EMAS (761/2001/KE) u Ecolabel (1980/2000/KE).
1.9 L-Unjoni għandha rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-impjiegi ħodor. Mil-lat tal-investimenti, din għandha tħeġġeġ politika li tappoġġja l-attivitajiet u s-setturi, u tassumi l-impenn konġunt mal-Istati Membri għal leġislazzjoni stabbli, li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-piżijiet amministrattivi u li dejjem tqis il-ħtiġijiet tal-SMEs. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, din għandha tħeġġeġ it-tnedija ta’ programmi speċifiċi għall-appoġġ tat-taħriġ professjonali, iżda l-aktar tal-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dawk il-ħaddiema mhedda mit-tibdil industrijali, li jistgħu jitilfu l-impjieg attwali tagħhom jew il-livelli tad-dħul tagħhom. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli u fir-riċerka u l-iżvilupp permezz ta’ inċentivi fiskali maħsuba għall-intrapriżi u l-utenti u permezz tal-użu tal-fondi mill-irkant tal-kwoti tal-ETS. B’mod speċjali f’dan il-mument ta’ kriżi, politika bħal din hija urġenti u neċessarja.
1.10 Il-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom rwol importanti x’jaqdu. Aktar minn 15 % tal-PDG tal-Ewropa jiġi mill-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Il-klawżoli preferenzjali għal oġġetti u servizzi li huma ekosostenibbli jistgħu jwasslu biex is-suq ikabbar aktar malajr l-investimenti fl-innovazzjoni teknoloġika.
1.11 L-Unjoni, bħala entità sħiħa, tonfoq ftit wisq fuq ir-riċerka, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak nazzjonali: inqas minn 2 % tal-PDG, meta mqabbel mat-2,6 % tal-Istati Uniti u l-4 % tal-Ġappun. L-Ewropa għandha bżonn ta’ investimenti kbar fir-R&Ż u huwa fundamentali li din ir-riċerka tkun immirata lejn soċjetà b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.
1.12 L-akbar potenzjal ta’ żvilupp jinsab fl-attivitajiet u x-xogħlijiet tradizzjonali kollha, li jistgħu isiru aktar ekoloġiċi. Għal dan il-għan, ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa fundamentali. L-edukazzjoni dwar l-ambjent għall-ġenerazzjoni żgħażugħa, it-taħriġ professjonali, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni għall-intrapriżi, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini huma l-ewwel passi fundamentali fil-mixja lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija ħadra ġdida. Il-KESE huwa impenjat b’mod attiv fl-appoġġ ta’ dawn l-attivitajiet permezz tal-proġett Pinokkju.
1.13 Is-settur agrikolu min-naħa tiegħu jista’ jagħti kontribut estremament importanti, kemm fit-trasformazzjoni tal-mudelli ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-iżvilupp tal-agrotisġir u fil-kultivazzjoni tal-bijomassi. L-isforzi għall-ħarsien tal-art u tal-ambjent ifissru li l-biedja u l-organizzazzjonijiet tagħha jistgħu jkunu minn ta’ quddiem f’kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni dwar il-vantaġġi ta’ ekonomija ħadra ġdida.
1.14 Il-bijomassa hija bla dubju ta’ xejn l-iktar sors ta’ enerġija rinnovabbli importanti - id-data tal-2008 turi b’mod ċar, fil-livell Ewropew, il-prevalenza deċiżiva tas-sorsi ta’ enerġija bijoġenika fuq l-enerġiji rinnovabbli l-oħrajn kollha. Fl-UE-27, żewġ terzi tal-enerġija primarja rinnovabbli - jew 66,1 % fuq total ta’ madwar 6 200 PJ - ġew prodotti permezz tal-bijomassa.
1.15 F’dan iż-żmien ta’ diffikultajiet ekonomiċi u kapital disponibbli limitat, hemm bżonn li l-isforzi jiġu ffukati fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet, li huma kruċjali għall-Ewropa mil-lat tal-kompetizzjoni globali, għall-ħarsien tal-ambjent u biex ma jintilfux postijiet tax-xogħol fis-snin li ġejjin. L-enerġiji rinnovabbli, it-trasport sostenibbli u d-djar b’emissjonijiet tas-CO2 baxxi ħafna huma l-oqsma li l-KESE jqis li huma prijoritarji.
1.16 Matul il-fażi ta’ transizzjoni, is-settur pubbliku jrid jagħti l-ikbar appoġġ possibbli lil dawn is-setturi. Il-politiki “stop-go”, qafas leġislattiv mhux stabbli u koerenti, u l-burokrazija amministrattiva huma l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tal-attivitajiet u ta’ impjiegi ħodor tajbin u deċenti.
2. Daħla
2.1 Is-suq tal-enerġija
2.1.1 Il-kriżi finanzjarja u ekonomika żgur li naqqset ir-ritmu tal-iżvilupp tal-attivitajiet marbutin mas-settur kollu tal-enerġiji ġodda.
2.1.2 Fl-2009 rajna waqgħa qawwija fit-transazzjonijiet tas-suq tal-gass u ż-żejt. Fil-fatt ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 19 %, li jammonta għal aktar minn 90 miljun dollaru (il-World Energy Outlook 2009 tal-AIE). Minkejja l-iffriżar fil-konsum, għall-2030 hija prevista żieda fid-domanda għall-enerġija ta’ madwar 40 %, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 16,8 biljun tunnellata ta’ żejt (toe).
2.1.3 Is-sorsi tal-enerġija fossili ser ikomplu jirrappreżentaw aktar minn 77 % taż-żieda fid-domanda fil-perijodu 2007–2010, filwaqt li d-domanda għaż-żejt li se tikber minn 85 Mb/d (miljun barmil kull jum) ta’ bħalissa għal 88 Mb/d fl-2015 sa 105 Mb/d fl-2030.
2.1.4 Skont il-World Energy Outlook tal-2009, it-tibdil fil-klima jista’ jingħeleb u jiġi kkontrollat, iżda biss jekk is-settur tal-enerġija jiġi ttrasformat fil-fond. Ir-rapport jipproponi l-“450 Scenario” b’azzjonijiet radikali fi skeda stretta biex fit-tul jiġu limitati l-konċentrazzjonijiet ta’ CO2 fl-arja għal 450 parti għal kull miljun u biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm għal madwar 2 gradi ogħla mil-livelli preindustrijali. Skont l-International Energy Agency, biex dan ix-xenarju jinkiseb, id-domanda għall-fjuwils fossili trid tilħaq il-quċċata tagħha sal-2020 u l-emissjonijiet tas-CO2 marbutin mal-enerġija jridu jinżlu għal 26,4 Gt (gigatunnellati) fl-2030 mit-28,8 Gt tal-2007.
2.2 L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija
2.2.1 Il-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għandhom l-għan li jnaqqsu l-intensità enerġetika bi 3,3 % fis-sena għall-perijodu 2005–2020, u dan għandu jwassal għal iffrankar tal-enerġija ta’ 860 Mtoe per annum (miljun tunnellata ta’ ekwivalenza taż-żejt fis-sena). Din hija mira ambizzjuża, li safejn possibbli għandha tkun soġġetta għal miżuri obbligatorji. Hija mira li titlob investimenti sostanzjali, li min-naħa tagħhom għandhom iwasslu għal iffrankar kbir, li l-Kummissjoni tikkalkula li hu madwar EUR 100 miljun fis-sena (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Pjan ta’ Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: it-twettiq tal-potenzjal, COM(2006) 545 finali (mhux disponibbli bil-Malti).
2.2.2 F’diversi opinjonijiet il-KESE stqarr li hu favorevoli ħafna għall-inizjattivi Ewropej għat-tixrid tal-programmi dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (1). B’xorti ħażina, huwa nnota wkoll nuqqas ta’ entużjażmu simili min-naħa tal-Istati Membri (2). Il-KESE jtenni li “wieħed mill-aspetti tal-politiki ekoloġiċi li sikwit jiġi injorat huwa l-benefiċċju ekonomiku tagħhom”. Iżda fir-realtà “l-ekonomija ħadra” hija waħda mill-mezzi biex tintemm il-kriżi dinjija u l-forom emerġenti tagħha qed jiġġeneraw opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda. Il-Kummissarju Dimas iddikjara li “l-investimenti ħodor” se joħolqu żewġ miljuni impjiegi fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk “l-ekonomija ħadra” mhijiex lussu. (3)
2.2.3 Il-Kummissjoni għandha tkun lesta biex tniedi reviżjoni tal-istrateġija għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-progress li tkejjel s’issa ma ġabx il-benefiċċji mistennija. L-istabilizzazzjoni relattiva tal-prezz taż-żejt, li minn prezz rekord ta’ $147,27 fil-11 ta’ Lulju 2008 għadda għal medja ta’ $53,56 fl-2009 (fl-2008 kien ta’ $91,48 il-barmil) (WTRG Economics), żgur li ma għenitx l-investimenti.
2.2.4 Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar u tal-uffiċċji, li ser twessa’ konsiderevolment ir-rekwiżit biex isir xogħol strutturali fuq djar ġodda u fuq dawk li jridu jinbnew mill-ġdid, kif ukoll ir-regolamenti dwar l-emissjonijiet tal-karozzi u l-leġislazzjoni pendenti dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief tat-trasport, jitolbu sforz kbir mill-industrija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-emissjonijiet previsti, li mbagħad jiġu tradotti fi profitt notevoli fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u b’hekk jitnaqqas il-konsum.
2.2.5 Ir-rapport tal-EurObserv’ER tal-2009 (EurObserv’ER 2009 - The State of Renewable Energies in Europe. 9th EurObserv’ER Report) analizza l-effetti diretti fuq l-impjiegi kkawżati mid-diversi teknoloġiji marbutin mal-enerġiji rinnovabbli f’14-il Stat Membru tal-UE (il-Ġermanja, Franza, Spanja, id-Danimarka, l-Isvezja, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Lussemburgu). Fl-2008, permezz tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli nħolqu jew inżammu total ta’ 660 000 post tax-xogħol. Fost dawn, aktar minn 42 % (madwar 278 000) ġejjin mis-sorsi tal-enerġija bijoġenika (aktar speċifikament, il-bijomassa). L-investiment fil-bijomassa jġib miegħu xogħol għal tul ta’ żmien, tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-Ewropa u titjib sinifikanti fil-livell tal-emissjonijiet tas-CO2.
3. Il-kriżi u l-impjiegi ħodor
3.1 Il-kriżi ekonomika tat daqqa ta’ ħarta lill-finanzi pubbliċi. Id-defiċit aggregat taż-żona tal-euro kien ta’ 6,4 % fl-2009 u ġie stmat mill-Kummissjoni għal 6,9 % fl-2010. Dan ifisser li se jkun hemm bżonn ta’ pjani ta’ tnaqqis tad-dejn ħorox biex fi żmien qasir il-livelli tad-defiċit jitnaqqsu għal-livelli tat-trattat ta’ stabbiltà. Il-KESE javża li m’għandux ikun hemm retorika u nuqqas ta’ azzjoni politika meta niġu għall-ixprunar tat-tkabbir aħdar.
3.2 Ir-riżorsi disponibbli biex jitkomplew il-pjani ta’ inċentivar tal-enerġiji rinnovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija qed ikomplu jonqsu. L-Istati Membri għandhom jallokaw aktar mill-50 % previst tad-dħul mill-irkant tal-ETS għall-programmi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-investimenti fl-enerġiji rinnovabbli fil-mobbiltà sostenibbli u għat-trasport inġenerali.
3.3 Hemm ir-riskju li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiġi perċepita b’mod ħażin li hi limitata biss għat-tnaqqis fil-konsum. Irid jitqies ir-ritorn enerġetiku mill-investimenti (EROI), filwaqt li l-kunċett tas-sostenibbiltà jrid jintrabat ma’ dak tal-iżvilupp, jiġifieri ekonomija ġdida li ma timmirax għal “riċessjoni sostenibbli” u “qgħad kompatibbli” li bla dubju jwasslu għal tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies, mingħajr ma jġibu magħhom tibdil importanti għas-saħħa tal-pjaneta.
3.4 Barra minn hekk, l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, qed jiffaċċjaw tnaqqis qawwi fl-aċċess għall-finanzjament. Inqas riżorsi disponibbli għall-attivitajiet ordinarji jagħmluha kważi impossibbli li jsiru investimenti fir-ristrutturar li xi kultant ikun jiswa ħafna flus u li d-dħul minnu jasal biss wara ftit snin. Hemm bżonn ta’ politiki mmirati ta’ appoġġ.
3.5 Fil-preżentazzjoni tal-fehma tagħha dwar inizjattiva reċenti tal-Kummissjoni (Duncan Campbell, Director, Department Of Economic and Labour Market Analysis), l-ILO pproponiet definizzjoni:
“L-impjiegi ħodor jistgħu jiġu definiti bħala dawk li jnaqqsu l-impatt ambjentali billi:
— |
inaqqsu l-konsum tal-enerġija, tal-ilma u tal-iskart, |
— |
jiddekarbonizzaw u jiddematerjalizzaw l-ekonomija, |
— |
inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, |
— |
jadottaw politika ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, |
— |
iħarsu u jerġgħu jagħtu s-saħħa lill-ekosistema.” |
3.6 Skont l-ILO, li għal dawn l-aħħar snin wettqet studji settorjali fil-fond fil-qasam tax-xogħlijiet ħodor, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-intraprendituri u tat-trade unions, is-setturi li għandhom ikunu interessati aktar minn kulħadd huma:
Enerġija |
Ċiklu integrat tal-gassifikazzjoni/qbid tas-CO2 |
Koġenerazzjoni (sħana/enerġija) |
|
Enerġiji rinnovabbli (ir-riħ, ix-xemx, il-bijokarburanti, il-ġeotermika, l-idroelettriċità fuq skala żgħira); ċelluli tal-fjuwil |
|
Trasport |
Vetturi b’magni aktar effiċjenti |
Vetturi elettriċi ibridi u vetturi li jaħdmu biċ-ċelluli tal-fjuwil |
|
Użu kondiviż tal-karozzi |
|
Trasport pubbliku |
|
Trasport li m’għandux magni (roti, mixi), u bidliet fil-politiki tal-użu tal-art u mudelli ta' fejn tistabbilixxi ruħha l-popolazzjoni urbana (tnaqqis tad-distanzi u tad-dipendenza mit-trasport bil-magni) |
|
Intrapriżi |
Kontroll tat-tniġġis (filtri u teknoloġiji oħra ta' filtraġġ) |
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-materjali |
|
Tekniki ta' produzzjoni nadifa (fejn jiġu evitati s-sustanzi tossiċi) |
|
Ċikli ta' produzzjoni bil-metodu: “min-niqa għan-niqa” (sistemi b’ċiklu magħluq kif definiti minn William McDonough u Michael Braungart) |
|
Bini |
Dawl, apparati domestiċi u tagħmir għall-uffiċċju b’effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija |
Tisħin u tkessiħ b’enerġija mix-xemx, pannelli solari |
|
Restawr ta' bini antik b’teknoloġiji ġodda |
|
Bini ekoloġiku (twieqi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti, l-insulazzjoni, il-materjal tal-bini, it-tisħin, il-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata) |
|
Djar passivi li jieħdu l-enerġija mix-xemx, bini mingħajr ebda emissjoni |
|
Immaniġġjar tal-materjali |
Riċiklaġġ |
Twessigħ tar-responsabbiltà tal-produttur, irtirar tal-prodotti u manifattura mill-ġdid |
|
Dematerjalizzazzjoni |
|
Durabilità u tiswija tal-prodotti |
|
Bejgħ bl-imnut |
Promozzjoni ta' prodotti b’effiċjenza għolja u użu ta' ekotikketti |
Ħwienet li jkunu eqreb taż-żoni residenzjali |
|
Tnaqqis għall-aktar livell minimu tad-distanza għat-trasport (mill-oriġini tal-prodotti sal-ħwienet) |
|
Ekonomija ġdida tas-servizzi (bejgħ ta' servizzi, mhux ta' prodotti) |
|
Biedja |
Konservazzjoni tal-ħamrija |
Effiċjenza fl-ilmijiet |
|
Metodi ta' tkabbir organiċi |
|
Tnaqqis tad-distanza bejn il-bdiewa u s-suq |
|
Tisġir |
Tisġir u proġetti ta' tisġir |
Agritisġir |
|
Ġestjoni sostenibbli tal-foresti u skemi ta' ċertifikazzjoni |
|
Twaqqif tal-qtugħ tas-siġar |
3.7 Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-impjiegi ħodor għandhom ikunu kkaratterizzati minn livelli għoljin ta’ ħiliet u ta’ taħriġ professjonali.
4. L-atturi ewlenin u l-eżempji tajbin
4.1 Matul seduta tal-KESE (KESE, 23 ta’ Marzu 2010), uħud mill-personalitajiet ewlenin mill-qasam tal-assoċjazzjonijiet taw il-kontribut tagħhom fid-dibattitu.
4.2 Il-President tal-Confartigianato ta’ Bergamo (federazzjoni ġenerali tal-artiġġjanat Taljan) tkellem dwar il-ġimgħa ekoloġika għall-enerġija: 16-il avveniment ta’ sensibilizzazzjoni u diskussjoni, 80 relatur, mijiet ta’ parteċipanti biex jiġu approfonditi l-kwistjonijiet regolatorji u tekniċi tal-iffrankar tal-enerġija u tas-sostenibbiltà ambjentali. Dan kien eżempju tajjeb tar-rwol li l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jistgħu u jmisshom ikollhom biex ixerrdu kultura. Ġew ippreżentati servizzi ġodda ddedikati għall-enerġija, fosthom: “punt ta’ kuntatt għall-enerġija” li għandu joffri konsulenza speċjalizzata għall-intrapriżi; “appoġġ għall-kreditu” għas-sostenn tal-investimenti anke permezz tal-konsorzju tal-kreditu tal-assoċjazzjoni; u “t-taħriġ tekniku”, b’kooperazzjoni mal-fakultà tal-inġinerija tal-Università ta’ Bergamo.
4.3 Fl-intervent tiegħu, ir-rappreżentant tad-WWF, responsabbli għall-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-Ewropa, enfasizza l-impatt pożittiv previst tal-istudji li saru mill-organizzazzjoni tiegħu fuq l-impjiegi permezz tal-ekonomija ħadra. Naturalment, l-organizzazzjonijiet ambjentalisti huma favur politika ta’ appoġġ għall-enerġija b’livelli baxxi ta’ CO2, jew, terġa’ aħjar minn hekk, bl-ebda emissjoni.
4.4 Il-President tat-trade union Pollakka NSZZ Solidarnosc (trade union tal-minjieri u tal-enerġija) enfasizza r-riskji ta’ politika li tikkastiga b’mod eċċessiv l-“impjiegi suwed”. Huwa indispensabbli li jiġu mħarsa l-impjiegi permezz ta’ inizjattivi immirati biex joħolqu impjiegi ġodda li għandhom jassorbu dawk li se jintilfu. Hemm bżonn li naħsbu għal “bilanċ” bejn l-impjiegi ġodda maħluqa u l-impjiegi qodma li ntilfu. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni kbira wkoll lill-pagi: xi impjiegi ħodor ġodda huma mħallsa inqas u n-nefqa għal kull KW prodott mill-karbonju huwa nofs dak prodott minn sorsi rinnovabbli. Mingħajr politiki ta’ appoġġ adegwati għall-impjiegi, hemm ir-riskju reali li l-qgħad jirdoppja fi żmien qasir. Iridu jiġu previsti wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-ħaddiema.
4.5 Il-President tal-Federazzjoni Ewropea tal-Bini enfasizza l-involviment u l-interess qawwi tal-intrapriżi Ewropej biex jappoġġjaw il-modernizzazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza tad-djar u tal-postijiet pubbliċi u privati li fihom isiru attivitajiet ta’ xogħol. Is-settur ma jitlobx għajnuniet ekonomiċi partikolari, iżda pjuttost leġislazzjoni stabbli, garantita għal numru ta’ snin, biex ikunu jistgħu jiġu pprogrammati investimenti u pjani industrijali. L-industrija tal-bini titlob fluss finanzjarju adegwat u kostanti fuq xiex tistrieħ, u mhux sussidji għal żmien qasir. Politika tat-taxxi adegwata tista’ tgħin lill-familji jersqu lejn dan it-tip ta’ investiment. L-intrapriżi huma lesti jagħtu sehemhom għat-tħarriġ indispensabbli tal-ħaddiema tagħhom.
4.6 Il-President tal-Kunsill tal-Arkitetti tal-Ewropa (ACE) enfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi żviluppat it-taħriġ għal arkitettura stabbli fl-Ewropa, billi tinxtered viżjoni olistika tal-programmazzjoni tal-miżuri territorjali; dan ikun jeħtieġ bidla totali tal-professjoni. Fil-fehma tal-ACE, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-bini, hemm bżonn jitwaqqfu għanijiet ambizzjużi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini. L-ACE esprima ċerti dubji dwar ir-riżultat tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) fl-akkwisti pubbliċi, abbażi tal-esperjenzi negattivi reċenti.
4.7 Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni enfasizza l-potenzjal għoli ta’ xogħlijiet ġodda li jistgħu jinħolqu. Huwa stmat li hemm aktar minn miljun post tax-xogħol ġdid. Is-suċċess tat-Tieni Kungress Ġeotermiku juri l-evoluzzjonijiet possibbli. Fl-Isvezja pereżempju, hemm 33 pompa għat-tisħin imwaħħla għal 1 000 abitant, filwaqt li Spanja hemm 0,1. L-ostakli amministrattivi huma pjaga għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija l-bażi tas-sistema kollha, b’mod partikolari fil-bini. L-impjiegi ħodor li ser jiġu stimolati bil-pjani ta’ azzjoni nazzjonali ser ikunu sostenibbli u kompetittivi.
4.8 Il-kelliem mill-Università għall-Ekonomija u t-Teknoloġija ta’ Berlin ta ħafna tagħrif u spunti ta’ riflessjoni: huwa nnota l-kompetizzjoni internazzjonali qawwija fis-suq tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, li huma l-ikbar kompetituri. Iċ-Ċina u t-Tajwan laħqu kważi 50 % tal-esportazzjoni tal-pannelli solari.
4.9 Ir-rappreżentant ta’ waħda mill-ikbar kumpaniji Spanjoli ta’ turbini tar-riħ enfasizza l-importanza strateġika tas-settur tiegħu, li jaf l-iżvilupp tiegħu għal politiki intelliġenti u kuraġġużi li ħeġġew l-investimenti u żiedu l-valur tal-ekonomija. Minkejja l-kriżi, il-prospetti futuri huma pożittivi jekk il-politiki favur l-enerġiji rinnovabbli jkomplu. Matul id-diskors tiegħu, huwa kkwota lill-President Obama: “Il-pajjiż li se jmexxi l-ħolqien ta’ ekonomija bbażata fuq l-enerġija nadifa huwa l-pajjiż li se jmexxi l-ekonomija globali” (diskors “State of Union”, Barack Obama, 27 ta’ Jannar 2010).
4.10 Fl-aħħar nett, waħda mill-maniġers tal-KETU enfasizzat l-impenn tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions fl-appoġġ tal-politika tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjiegi ħodor, li jridu jirrispettaw id-dinjità tal-ħaddiema, id-drittijiet tagħhom u l-livelli tal-pagi tagħhom. Impjieg aħdar, skont id-definizzjoni tiegħu, huwa impjieg deċenti. Il-KETU tqis li huwa indispensabbli li jitwettqu politiki ta’ transizzjoni, ta’ appoġġ għat-taħriġ u ta’ antiċipazzjoni tat-tibdil industrijali.
5. X’inhuma l-prospetti?
5.1 F’dawn l-aħħar snin feġġew ċifri, differenti ħafna minn xulxin, dwar il-benefiċċji possibbli għax-xogħol minħabba l-impjiegi ħodor, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-inizjattivi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-għadd ta’ xogħlijiet ġodda ġew stmati għal mijiet ta’ eluf iżda dawn qed idumu biex jaslu. Il-valutazzjoni taż-żieda netta, jiġifieri meta jiġi kkumpensat għall-impjiegi mitlufa fl-istess settur, hija diffiċli ħafna.
5.2 Bħalissa hemm 4,6 miljun impjieg “aħdar”, jekk nikkunsidraw l-ekoattivitajiet fil-veru sens tal-kelma. Iżda dawn jilħqu t-8,67 miljuni, li jammontaw għal 6 % tal-impjegati fl-UE27, jekk nirreferu għall-attivitajiet marbutin mar-riżorsi ambjentali, bħat-tisġir jew l-ekoturiżmu. In-numru jikber ħafna jekk tintuża definizzjoni usa’, li twassal għaċ-ċifra ta’ 36,4 miljun, jew 17 % tal-forza tax-xogħol, jekk jitqies ukoll ix-xogħol indirett u x-xogħlijiet relatati (GHK et al. (2007)). Fid-dokument reċenti tagħha dwar ix-xogħol fl-Ewropa (Employment in Europe 2009), il-Kummissjoni enfasizzat tajjeb dawn id-differenzi. It-tkabbir ikkonċerna b’mod partikolari lis-settur tal-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura organika u sa ċertu punt, l-attivitajiet marbuta mat-titjib tal-patrimonju tal-bini.
5.3 L-oqsma ewlenin ta’ attività - il-bini
5.3.1 B’16,3 miljun ħaddiem, li jgħoddu għal 7,6 % tat-total tal-impjiegi, l-industrija tal-bini hija l-iktar industrija li tħaddem nies fl-Ewropa: fl-2008, id-dħul kien ta’ EUR 1 305 biljuni, jew 10,4 % tal-PDG. Ix-xogħol relatat jammonta għal 32 miljun ħaddiem (Rapport annwali tal-FIEC, il-Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni, 2009).
5.3.2 L-industrija Ewropea tal-bini hija impenjata b’mod attiv fi proġetti u inizjattivi mmirati biex jintlaħqu standards ogħla ta’ effiċjenza u ta’ ffrankar tal-enerġija. Xi eżempji jinkludu: il-proġetti Sunrise (fil-qafas tal-FP7) għall-integrazzjoni tal-fotovoltajk fil-bini, is-Cygnum, għall-produzzjoni ta’ oqfsa tal-injam preinsulati bl-użu ta’ materjal riċiklat bi ftit flus, li permezz tagħhom ser ikun hemm aktar aċċess għal djar b’konsum baxx tal-enerġija, u Mobi3con, sistema operattiva 3D li tintuża fejn ikun qed isir bini, għall-prevenzjoni ta’ żbalji bejn id-disinn u t-twettiq, li skont l-FIEC (il-Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni) għandha tiffranka madwar EUR 6,2 biljun.
5.3.3 Minkejja r-riperkussjonijiet gravi tal-kriżi finanzjarja, li f’xi pajjiżi bħal Spanja u l-Irlanda ffriżaw is-suq, is-settur jemmen li fis-snin li ġejjin ser ikun hemm bżonn ta’ mill-inqas 800 000 post tax-xogħol ġdid għal tekniki speċjalizzati u inġiniera fi programmi biex il-bini isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fi Franza biss, huwa stmat li mill-2007 sal-2012 il-postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ser jgħaddu minn 169 000 ħaddiem għal 320 000 (Studju minn Ademe, Aġenzija franċiża tal-ambjent u tal-ġestjoni tal-enerġija, 2008).
5.3.4 Settur ieħor li hu mistenni joħloq aktar impjiegi huwa dak tal-ESCO (Energy Service Company). Dawn huma kumpaniji li jwettqu interventi biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jieħdu r-riskju tal-inizjattiva u jeħilsu lill-klijent finali minn kull piż organizzattiv jew ta’ investiment. F’xi pajjiżi ż-żieda fl-ammont ta’ dawn il-kumpaniji ma ntlaqgħetx tajjeb mill-produtturi kbar, li beżgħu minn tnaqqis drastiku fil-konsum (4).
5.3.5 It-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ tul il-ħajja huma indispensabbli biex il-bidliet industrijali jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati tajjeb: l-FIEC u l-EFBWW (il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Kostruzzjoni u l-Injam) qed jikkollaboraw b’mod attiv biex jiżviluppaw inizjattivi konġunti fil-qasam tal-kwalifiki professjonali u proġetti ta’ taħriġ transkonfinali.
5.4 L-enerġiji rinnovabbli
5.4.1 Fl-2008, is-settur fotovoltajku kien jimpjega 190 000 persuna (130 000 direttament u 60 000 indirettament). Bl-appoġġ għas-suq tal-UE-27, l-industrija qed timmira li toħloq madwar 2,2 miljun impjieg sal-2030, iżda b’effett nett limitat: fuq l-ipoteżi li se jkun hemm esportazzjoni ta’ 15 %, il-bilanċ nett sal-2030 għall-UE-27 ser ikun ta’ madwar 162 000 impjieg (20 000 fl-2010 u 49 000 fl-2020) (EPIA – European Photovoltaic Industry Association, 2009).
5.4.2 Is-settur fotovoltajku jeħtieġ ħaddiema speċjalizzati ħafna, kemm għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll għall-manutenzjoni; l-arkitetti u l-inġiniera ser ikollhom jistudjaw mod kif idaħħlu l-pannelli solari f’kuntesti urbani, ikkaratterizzati minn ċentri storiċi ta’ valur estetiku u artistiku kbir. Fl-Ewropa l-kapaċità installata kumulattiva telgħet minn 1 981 MW fl-2005 għal 9 405 fl-2008, u kważi rduppjat bejn l-2007 u l-2008 (EPIA – Global Market Outlook for Photovoltaics until 2013, 2009 A.T. Kearney analysis). Hemm bżonn ta’ korsijiet speċjalizzati biex iħejju għall-50 000 impjieg ġdid fis-sena li se jinħoloq minn issa sal-2030. S’issa għadhom mhux biżżejjed il-Masters u l-korsijiet postuniversitarji ddedikati għat-tħejjija speċifika għall-użu tal-fotovoltajk.
5.4.3 B’64 935 MW ta’ kapaċità installata sal-aħħar tal-2008, l-enerġija mir-riħ hija l-ikbar sors ta’ enerġija elettrika rinnovabbli. Fl-2007, is-settur tal-enerġija mir-riħ impjega direttament 108 600 persuna, filwaqt li jekk ngħoddu wkoll l-impjiegi indiretti t-total jilħaq il-154 000. L-industriji tat-turbini tar-riħ u tal-produzzjoni tal-komponenti jimpjegaw 59 % tal-impjiegi diretti. Il-Ġermanja, Spanja u d-Danimarka huma l-pajjiżi bl-ogħla konċentrazzjoni ta’ ħaddiema (EWEA – European Wind Association, 2009). L-assoċjazzjoni Ewropea tas-settur tikkalkula li fl-2020 l-għadd ta’ ħaddiema fis-settur jista’ jitla’ għal madwar 330 000, jiġifieri aktar mid-doppju.
5.4.4 Skont studju li sar fi Spanja - pajjiż li investa ħafna fl-enerġiji alternattivi - l-għadd ta’ impjiegi għandu jiżdied minn aktar minn 89 001 fl-2007 għal bejn 228 000 u 270 000, skont liema miż-żewġ xenarji differenti jitqies (ISTAS – Instituto Sindical de Trabajo Ambiente y Salud, 2009).
5.5 It-trasport
5.5.1 Fl-industrija tal-karozzi u tal-mezzi ta’ trasport bit-triq hemm impjegati madwar 2,2 miljun ħaddiem, li jitilgħu għal 9,8 miljuni jekk jitqiesu l-impjiegi relatati (FIEC – Federazzjoni tal-Industrija Ewropea tal-Kostruzzjoni); ma’ dawn jiżdiedu l-ħaddiema tat-trasport pubbliku u l-impjegati fit-trasport privat. It-total globali huwa ta’ iktar minn 16-il miljun persuna, jekk inqisu l-ferroviji, il-kumpaniji tat-tbaħħir, l-industrija u s-servizzi marbuta mal-avjazzjoni u t-trasport tal-merkanzija bit-triq.
5.5.2 F’dan is-settur il-kriżi nħasset ħafna, bi tnaqqis tal-produzzjoni li kienet ta’ 7,6 % għall-karozzi tal-linja, 21,6 % għall-karozzi, 48,9 % għall-minibuses u 62,6 % għat-trakkijiet. Dan kien tassew diżastru għall-produzzjoni. Is-sitwazzjoni mhijiex wisq aħjar għas-setturi l-oħra tal-industrija tat-trasport, bi tnaqqis ġenerali tal-ordnijiet u tal-attivitajiet.
5.5.3 Aktar minn industriji oħrajn, is-settur tat-trasport ser iħoss l-isfidi tat-teknoloġija li ġejjin mill-pakkett dwar il-klima u mir-regolamenti marbuta ma’ dan dwar l-emissjonijiet tas-CO2. L-inklużjoni tal-emissjonijiet mit-trasport tal-ajru fis-sistema taċ-ċertifikati Ewropej dwar l-emissjonijiet (ETS) ser joħloq diffikultajiet għall-flotot l-antiki, li ser ikollhom iħallsu penali kbar għall-emissjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, kif mistqarr diġà mill-KESE (5)“L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata għat-trasport marittimu milli għall-avjazzjoni, u l-aktar għal bastimenti mingħajr korsa regolari, minħabba fil-prattiċitajiet tad-dinja tal-kummerċ marittimu li jagħmilha diffiċli li l-ETS jiġu kalkolati”.
5.5.4 Huwa mistenni tkabbir sostnut (u mixtieq) tal-attivitajiet ferrovjarji, kemm dawk tal-passiġġieri kif ukoll tat-trasport tal-merkanzija. Sal-2030, huwa mistenni li jinħolqu 1 200 000 impjieg fit-trasport tal-passiġġieri u 270 000 fit-trasport tal-merkanzija, filwaqt li jitnaqqsu madwar 700 000 impjieg fit-trasport bit-triq (Syndex Etuc Istas research, 2007).
5.5.5 Il-mobbiltà urbana sostenibbli, permezz ta’ politika ċara favur trasport li ma jużax magni bħar-roti u l-mixi, ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.
6. Miżuri pożittivi għall-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor
6.1 Biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw, hemm bżonn kruċjali ta’ intervent sinifikanti, kemm pubbliku, privat, kif ukoll pubbliku-privat: irridu ngħaqqdu l-iżvilupp ekonomiku ma’ tnaqqis sinifikanti ta’ emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u mal-possibbiltà li jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar.
6.2 Bħalissa l-istat tal-finanzi pubbliċi ma jagħtix x’jifhem li hemm wisq lok għal flessibbiltà, wara l-miżuri li ttieħdu għall-appoġġ ta’ sistema finanzjarja fi kriżi profonda u l-kriżi ekonomika li segwiet li naqqset id-dħul mit-taxxi fl-Istati Membri kollha.
6.3 Il-KESE jipproponi l-adozzjoni ta’ Fond Sovran Ewropew, garantit mill-Bank Ewropew għall-Investiment u minn riżorsi speċifiċi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sistemi tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar tal-enerġija. Hemm bżonn ta’ “Marshall Plan” Ewropew biex l-esiġenzi finanzjarji li tippreżenta l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiġu indirizzati b’ċertezza.
6.4 Il-Bank Ewropew għall-Investimenti - li ta’ min ifaħħar il-fatt li diġà huwa involut fil-finanzjament ta’ attivitajiet immirati għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-enerġija rinnovabbli - jista’ jamministra l-Fond u juża r-riżorsi permezz tal-kanali tas-sistema bankarja Ewropea.
6.5 L-ikbar problema hija kif ser jitqassmu r-riżorsi. Huwa importanti ħafna li l-Fondi Strutturali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-fondi tas-7FP jiġu kkontrollati u kkoordinati. Il-Kummissjoni tista’ tiżgura dan il-koordinament permezz tad-DĠ il-ġdid għall-Enerġija.
6.6 Hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji privati. L-inizjattivi ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għandu jkollhom inċentivi operattivi u fiskali, f’qafas ta’ referenza stabbli u għat-tul.
6.7 L-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili impenjati f’dawn l-oqsma, għandhom iċ-ċans jaqdu rwol importanti fit-tixrid ta’ ħiliet, opportunitajiet, is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-soċjetà ċivili dejjem għandha tkun involuta fi proġetti ta’ dan it-tip.
6.8 L-applikazzjonijiet tal-ICT għandhom rwol importanti x’jaqdu biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi. Fi studju reċenti tal-Kummissjoni (The implications of ICT for Energy Consumption, e-Business Watch, Study report no 09/2008, http://www.ebusiness-watch.org/studies/special_topics/2007/documents/Study_09-2008_Energy.pdf), ħareġ il-bżonn li jintuża kemm jista’ jkun il-potenzjal kollu tal-ICT (6). Dan jista’ jkollu impatt pożittiv ħafna fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ħodor ġodda.
6.9 Għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar, f’waħda mill-opinjonijiet tiegħu (7) l-KESE identifika l-politiki li jistgħu jiġu applikati biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli fuq l-istandards tal-enerġija tad-djar, b’inċentivi biex l-utenti finali jixtru u jwaħħlu tagħmir adegwat, u jwettqu xogħol ta’ rinnovazzjoni għall-insulazzjoni.
6.10 Fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli, il-Kumitat jipproponi l-promozzjoni ta’ appoġġ għar-R&Ż u programmi għall-ħolqien ta’ suq stabbli u awtosuffiċjenti, l-għajnuna għall-intrapriżi u l-utenti finali permezz ta’ għajnuniet fiskali u inċentivi għall-produzzjoni u għall-konsum tal-enerġiji rinnovabbli. Dawn il-programmi għandhom ikunu fit-tul u bbażati fuq il-mudell adottat fil-Ġermanja, li għandu jnaqqas l-għajnuna pubblika progressivament filwaqt li n-negozji u l-pubbliku jkunu jistgħu jippjanaw l-investimenti tagħhom stess.
6.11 Għandu jiġi ddedikat kapitlu speċifiku għall-edukazzjoni u t-taħriġ (8). L-edukazzjoni hija indispensabbli għat-tixrid tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri, u t-taħriġ huwa kruċjali biex ikomplu javvanzaw it-teknoloġiji ġodda maħsuba għall-iżvilupp tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 10, 15.1.2008, p. 22-35.
(2) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39-42.
(3) ĠU C 27, 17.11.2009, p. 20 paragrafu 5.8, relatur: Bredima.
(4) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 54-59; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39-42.
(5) ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20 paragrafu 5.8, relatur Bredima
(6) ĠU C 175, 28.7.2009 p. 87-91.
(7) ĠU C 162, 25.6.2008 p. 62-71.
(8) ĠU C 277, 17.11.2009 p. 15-19.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/118 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/19
Relatur: is-Sur DAVOUST
Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
It-tisħiħ tal-effikaċja tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea favur l-SMEs u b’mod partikolari l-mikrointrapriżi.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar l-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’157 vot favur u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Fil-livell tal-Unjoni Ewropea:
— |
l-adozzjoni ta’ aproċċ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fil-politika tal-enerġija, li jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi fil-proċess leġislattiv u ta’ analiżi tal-impatt sal-aktar intrapriżi żgħar u li jiffavorixxi aproċċ settorjali; |
— |
it-twaqqif, mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs, ta’ forum permanenti dwar l-impatt tal-politika tal-enerġija tal-UE fuq l-intrapriżi, speċjalment dawk l-aktar żgħar; |
— |
id-definizzjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi konċernati, tal-miżuri li l-programmi Ewropej iridu jikkunsidraw biex jippermettu lil dawn l-intrapriżi li jadattaw bl-aħjar mod għall-objettivi tal-Unjoni Ewropea; |
— |
l-analiżi tal-impatt fuq il-kategoriji differenti tal-SMEs, tal-programmi għall-effiċjenza ekoloġika u d-diffużjoni ta’ gwida tal-aħjar prattiki; |
— |
is-semplifikazzjoni tal-aċċess u l-użu tal-programmi tal-Unjoni Ewropea eżistenti fis-settur tal-effiċjenza fl-enerġija għall-SMEs; |
— |
l-adozzjoni ta’ pjan ta’ appoġġ għall-innovazzjonijiet fl-enerġija ekoloġika u l-ħolqien ta’ strument finanzjarju ta’ appoġġ għall-innovazzjoni adattat għall-bżonnijiet tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi; |
— |
il-ħolqien ta’ qafas għat-tisħiħ tal-preżenza u l-attività tal-ESCOs (Energy Service companies – Kumpaniji li jfornu servizzi tal-enerġija) fil-livell nazzjonali b’appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar; |
— |
is-semplifikazzjoni tal-aċċess għall-fondi strutturali għall-intrapriżi ż-żgħar, partikolarment permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom; |
— |
il-ħolqien ta’ qafas li jiffavorixxi t-tixrid tal-mikorġenerazzjoni fl-Istati Membri. |
1.2 fil-livell tal-Istati Membri:
— |
it-twaqqif ta’ forum nazzjonali għad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs; |
— |
l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni permezz ta’ kampanji settorjali u ta’ punti uniċi (one stop shop) li qabel xejn ikunu fl-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi kkonċernati; |
— |
l-għajnuna għall-iffinanzjar tal-investimenti, tnaqqis fl-ispejjeż tal-assigurazzjoni u l-ħolqien ta’ inċentivi fiskali; |
— |
il-ħolqien ta’ sinerġiji finanzjarji bejn l-UE, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi li jippromovu t-twaqqif ta’ forom differenti ta’ għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar; |
— |
it-tpoġġija ta’ konsulenti dwar l-ambjent u l-enerġija, kif ukoll ta’ servizzi indipendenti ta’ dijanjożi u pariri dwar l-enerġija fl-organizzazzjonijiet intermedjarji. |
1.3 fil-livell tar-reġjuni:
— |
l-inklużjoni ta’ appoġġ u pariri dwar l-enerġija, kif ukoll taħriġ; l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-finanzjament għall-investimenti fil-prijoritajiet tal-programmi reġjonali; |
— |
l-appoġġ tal-mikroġenerazzjoni permezz tal-fondi strutturali. |
2. Introduzzjoni
2.1 Il-kuntest tal-opinjoni
2.1.1 L-Unjoni Ewropea implimentat politika ta’ tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija li fl-istess waqt hija waħda mill-punti tal-Istrateġija UE 2020. L-effett ewlieni fuq l-SMEs huwa l-bidla kbira fl-aċċess tagħhom għall-enerġija u l-użu razzjonali tagħha fl-intrapriża. S’issa, il-ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar l-effiċjenza fl-enerġija għadha ma trattatx b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi u l-impatt tagħha fuq dawn l-intrapriżi mhuwiex magħruf.
2.1.2 F’dan il-kuntest, wieħed irid ifakkar li fl-opinjoni tiegħu dwar “Nippromovu l-politiki u l-programmi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-livell tal-utenti finali” tal-1 ta’ Ottubru 2009 (1), il-KESE rrakkomanda li jiżdiedu l-isforzi bil-għan li jiġu involuti b’mod sistematiku l-utenti finali, l-aktar l-intrapriżi ż-żgħar; billi: 1) jissaħħu l-aspetti settorjali fil-politiki tal-Unjoni Ewropea , 2) jiġu ssemplifikati l-programmi Ewropej tal-enerġija, 3) jiġi analizzat l-effet tal-politiki tal-effiċjenza fl-enerġija fuq l-utenti finali, speċjalment l-SMEs u jitkejlu r-riżultati tagħhom, 4) fil-livell Ewropew, jitwaqqaf grupp ta’ esperti u netwerk ta’ korpi indipendenti li jippromovu l-effiċjenza fl-enerġija għall-utenti finali, partikolarment l-SMEs u l-intrapriżi artiġjanali.
2.2 Suġġett tal-opinjoni
2.2.1 Il-KESE jqis li huwa importanti ferm li s-suġġett jiġi indirizzat fid-dawl tal-Ismall Business Act u l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, li huma l-bażi tad-diskussjoni u t-tfassil tal-politiki u l-programmi tal-Unjoni Ewropea. L-opinjoni tiffoka fuq l-effetti tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi li jiffurmaw 92 % tal-intrapriżi tal-Unjoni Ewropea (2)
2.3 Il-qafas u l-iskop tal-opinjoni
2.3.1 L-opinjoni tal-KESE għandha l-għan li toffri bażi biex tinċentiva lill-awtoritajiet Ewropej ħalli jqisu l-SMEs, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi fil-politiki tal-Unjoni Ewropea tal-futur. Mhix ser tiddiskuti l-kwistjoni tal-impjiegi “ekoloġiċi” iżda tqis il-miżuri ta’ appoġġ għall-impjegati fil-kuntest li fih l-intrapriżi jridu jadattaw għall-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija.
3. Kummenti ġenerali
3.1 L-impatt ġenerali tal-politika tal-enerġija fuq l-intrapriżi ż-żgħar
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE jistgħu joffru opportunitajiet importanti ta’ żvilupp lil ċerti tipi ta’ SMEs u għalhekk ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda. F’dan il-kuntest, l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiltaqgħu ma’ erba’ sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-politika tal-enerġija:
3.1.1 L-utenti tal-enerġija: il-parti l-kbira tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, jiltaqgħu ma’ erba’ problemi: 1) ma jkunux konxji mill-vantaġġi ta’ użu aktar razzjonali tal-enerġija, 2) ma jkejlux l-impatt tal-miżuri tal-ekonomija fl-enerġija fuq l-attività tagħhom u fuq il-ħaddiema tagħhom, 3) ma jafux liema għażliet għandhom jagħmlu u ma’ min għandhom iwettquhom, 3) m’għandhomx ir-riżorsi finanzjarji biex jinvestu fl-enerġija ekoloġika li, wara kollox, tirrendi biss wara żmien twil.
3.1.1.1 Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa dovut b’mod partikolari għad-daqs tagħhom peress li ma jkollhomx impjegati speċjalizzati fil-kwistjonijiet tal-enerġija u dawk ambjentali.
3.1.1.2 Il-problema tar-ritorn fuq l-investiment: l-investiment għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jista’ jkun kbir ħafna filwaqt li r-rata tar-ritorn tista’ tkun baxxa ħafna fi żmien qasir. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ispiża ma tkunx tista’ tiġi trasferita fuq l-attività tal-produzzjoni jew tas-servizz u l-iffrankar tal-enerġija li jinkiseb ma jikkumpensax l-investiment ħlief fuq tul ta’ żmien twil ħafna.
Ħafna drabi, dan ir-ritorn fuq l-investiment jieħu aktar minn 5 snin, u dan jiskoraġġixxi lill-intrapriżi ż-żgħar.
3.1.2 L-intrapriżi li jinstallaw prodotti u sistemi jew li jipprovdu l-manutenzjoni biex itejbu l-użu tal-enerġija jikkontribwixxu lejn it-tixrid tat-tekniki tal-ekoenerġija fost il-konsumaturi. Huma partikolarment ikkonċernati:
3.1.2.1 |
Il-kostruzzjoni permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kostruzzjoni ekoloġika u l-użu ta’ prodotti tal-ekoenerġija, jew l-installazzjoni ta’ sistemi tal-enerġija rinnovabbli: l-intrapriżi ż-żgħar li jinstallaw prodotti innovattivi jinnutaw l-eżitazzjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex joffrulhom il-garanziji meħtieġa, bħal garanziji ta’ għaxar snin, bl-iskuża li l-istabbiltà u l-effikaċja tal-prodott tul iż-żmien għadha mhix pruvata. Dan in-nuqqas ta’ rieda jxekkel l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ekoloġiċi fost il-konsumaturi. Il-KESE jirrakkomanda 1) l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-kostruzzjoni fit-tekniki l-ġodda tal-ekokostruzzjoni, il-materjali ekoloġiċi kif ukoll fl-aproċċi l-ġodda biex tiġi valutata l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, 2) li jonqsu l-ispejjeż tal-assigurazzjoni bl-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju fil-livell tal-Unjoni Ewropea jew strument ieħor li jippermetti li jonqsu l-ispejjeż tar-riskju li jieħdu l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. |
3.1.2.2 |
L-attivitajiet ta’ installazzjoni u manutenzjoni tal-apparat tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija għall-individwi u l-intrapriżi. L-SMEs f’dan is-settur għandhom kompetizzjoni diretta mill-produtturi l-kbar tal-enerġija li joperaw fuq it-territorju nazzjonali kollu permezz ta’ strutturi li jkunu ħolqu u jikkontrollaw huma stess; minħabba d-dipendenza tagħhom mill-gruppi l-kbar li jikkontrollawhom, huma aktar interessati fil-bejgħ tal-enerġija tradizzjonali milli fit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-klijenti tagħhom. Il-KESE 1) iqis li l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jissorveljaw dan is-suq biex jiggarantixxu trasparenza sħiħa u jevitaw sitwazzjonijiet ta’ abbuż tal-pożizzjoni dominanti, 2) jitlob li jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ għall-SMEs biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom ta’ inkoraġġiment u ta’ għoti ta’ pariri lill-individwi u l-intrapriżi. |
3.1.3 L-intrapriżi ż-żgħar li joħolqu u jipproduċu prodotti li jiffrankaw l-enerġija huma partikolarment innovattivi fis-settur tal-materjali u t-tagħmir sostenibbli.
3.1.3.1 Fil-prattika, l-intrapriżi ż-żgħar innovattivi jridu jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex joħolqu l-prodott tagħhom, jagħmlu l-privattiva (privattiva Ewropea?) u jpoġġuh fis-suq. Ħafna drabi jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet ta’ kważi monopolju tal-gruppi l-kbar jew tal-laboratorji l-kbar kif ukoll ta’ sistemi dejjem aktar kumplessi ta’ ċertifikazzjoni li jwasslu biex joħonqu l-innovazzjoni u effettivament jagħlqu l-aċċess għas-suq tal-innovazzjonijiet għall-intrapriżi ż-żgħar.
3.1.3.2 Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu diversi miżuri:
— |
jitwaqqaf pjan tal-Unjoni Ewropea simili għall-programm Amerikan SBIRE biex jgħin lill-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi ż-żgħar (3) ħalli jinnutaw l-innovazzjonijiet tal-ekoenerġija, jappoġġjaw l-iżvilupp tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni u l-privattiva tagħhom u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-suq; |
— |
il-ħolqien ta’ strument finanzjarju flessibbli li jkun faċilment aċċessibbli u li jappoġġja l-innovazzjoni fil-materjali u t-tagħmir sostenibbli b’rata tal-imaxx żero jew baxxa ħafna; |
— |
it-twaqqif ta’ proċeduri tekniċi sempliċi, newtrali u aċċessibbli tal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-innovazzjonijiet tal-ekoenerġija tal-intrapriżi ż-żgħar u l-monitoraġġ biex din l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ma jservux ta’ ostaklu għad-dħul fis-swieq tal-effiċjenza fl-enerġija. Dan jista’ jiġi evitat bir-rekwiżit ta’ analiżi tal-impatt għall-istandards tekniċi Ewropej ta’ armonizzazzjoni kollha qabel ma jiġu adottati b’mod definittiv. |
3.1.4
3.1.4.1 Din hija possibbiltà li mhijiex stmata biżżejjed iżda li qed tiżviluppa f’bosta Stati Membri. Il-mikroġenerazzjoni, li permezz tagħha l-kumpaniji jipproduċu l-enerġija, hija metodu alternattiv. L-impjanti elettriċi jistgħu jużaw sorsi rinnovabbli fil-livell lokali. Din it-teknika hija adattata b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar peress li tuża l-enerġija b’mod aktar razzjonali u 1) twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż globali, 2) tiggarantixxi l-provvista tal-enerġija anke fil-każ li jinqata’ d-dawl, 3) issaħħaħ il-livell ta’ produzzjoni tal-enerġija interna fl-Unjoni Ewropea, 4) tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali, 5) tippromovi l-ħolqien ta’ impjiegi fil-livell lokali.
3.1.4.2 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas leġislattiv u operattiv li jippromovi t-tixrid ta’ din is-sistema billi jħeġġeġ lill-Istati Membri jeliminaw it-tipi differenti ta’ ostakli li jrażżnu l-iżvilupp. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari 1) tanalizza l-prattiki eżistenti u tippromovi l-aħjar prattiki, 2) tinkludi l-mikroġenerazzjoni u l-iżvilupp tagħha mal-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fondi strutturali u l-fondi differenti għall-iżvilupp rurali.
4. Kummenti partikolari
4.1 In-nuqqas ta’ forum permanenti għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-kategoriji differenti tal-SMEs
4.1.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea daħlet fi djalogu mar-rappreżentanti tal-SMEs. Madankollu, għalissa għad m’hemmx approċċ strateġiku strutturat li jindirizza b’mod speċifiku l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi (4). Dan in-nuqqas għandu tliet effetti negattivi:
— |
m’hemmx mod kif wieħed ikun jaf jekk l-inizjattivi eżistenti u dawk futuri humiex adatti għall-intrapriżi ż-żgħar; |
— |
m’hemmx informazzjoni dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom u dan ser ikun diffiċli biex jiġi stabbilit jekk jinżamm l-approċċ globali politiku attwali li mhux familjari mas-sitwazzjonijiet prattiċi; |
— |
filwaqt li ħafna Stati Membri ħadu azzjonijiet bi ftehim mal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, il-miżuri li ttieħdu mhumiex magħrufa u dan ma jippermettix li jinsiltu tagħlimiet mill-prattiki t-tajba, mis-suċċessi jew mill-fallimenti. |
4.1.2 Il-KESE ma jiddubitax mill-utilità tal-panels tal-intrapriżi imma dawn fl-ebda każ ma jistgħu jieħdu post l-esperjenza tal-organizzazzjonijiet intermedjarji ġenerali, bħall-Kmamar tal-Kummerċ u dawk tas-Snajja’ u l-organizzazzjonijiet settorjali li jkellmu lill-intrapriżi u jtuhom pariri individwali speċifiċi għas-sitwazzjoni tagħhom. Huwa essenzjalment ma’ dawn l-organizzazzjonijiet intermedjarji li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prijoritajiet.
4.1.3 L-approċċ minn fuq għal isfel, li huwa wisq globali fil-livell tal-Unjoni Ewropea , ser iwassal għal deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu implimentati. Il-KESE jirrakkomanda kultura ġdida ta’ kooperazzjoni bbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, b’konformità mal-Ismall Business Act għall-Ewropa. Waħda mill-miżuri li għandhom jitnedew mill-aktar fis hija l-implimentazzjoni, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri, ta’ forum bħal dan bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, b’mod partikolari tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi.
4.2 Nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-effett tal-programmi Ewropej fuq l-iżgħar intrapriżi
4.2.1 Jeżistu bosta programmi tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-SMEs b’mod ġenerali. Il-KESE jinnota li l-impatt ta’ dawn il-programmi fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi mhuwiex magħruf u li l-ebda studju Ewropew ma jispeċifika l-benefiċċji tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa ta’ dispjaċir: minn naħa minħabba l-fatt li l-aħjar prattiki mhumiex magħrufin u ma jistgħux jitfasslu gwidi ta’ prattiki tajbin, u min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tipproponi programmi u azzjonijiet adatti għar-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar.
4.2.2 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li 1) twettaq mill-aktar fis possibbli analiżi indipendenti tal-impatt tal-programmi fuq l-SMEs, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, flimkien ma’ analiżi tal-problemi li jiltaqgħu magħhom, 2) tfassal gwida dwar l-aħjar prattiki.
4.3 Ir-rwol ewlieni tar-reġjuni u tal-bliet
4.3.1 Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tal-użu tal-enerġija għandhom isiru prijoritajiet ewlenin tal-politika futura tal-koeżjoni territorjali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali fil-pjani territorjali dwar il-klima u huma attivi fil-qasam tal-appoġġ għall-innovazzjoni, inkluż l-iffrankar tal-enerġija, f’forma ta’ clusters reġjonali, ċentri ta’ innovazzjoni u ċentri ta’ riżorsi li jindirizzaw b’mod partikolari l-iżgħar intrapriżi.
4.3.2 Madankollu, l-awtoritajiet amministrattivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sikwit ma jkunux jafu l-limiti u l-bżonnijiet tal-kategoriji differenti ta’ SMEs.
Il-KESE jistieden lil dawk responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u reġjonali biex jimplimentaw jew isaħħu l-konsultazzjoni mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-livell territorjali dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex jimmiraw il-prijoritajiet tal-fondi strutturali lejn miżuri maħsuba għall-ġestjoni tal-enerġija b’mod partikolari fl-iżgħar intrapriżi. Fost il-prijoritajiet tal-FEŻR għandu jkun hemm il-provvista ta’ informazzjoni u taħriġ lill-intraprendituri ż-żgħar u l-impjegati tagħhom, l-implimentazzjoni jew it-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ u ta’ pariri pprovduti mill-organizzazzjonijiet intermedjarji u settorjali tal-intrapriżi, l-implimentazzjoni ta’ sorsi ta’ finanzjament faċilment aċċessibbli kif ukoll l-appoġġ individwali jew kollettiv għal kull forma ta’ innovazzjoni.
4.3.3 Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impatt dgħajjef ħafna tal-fondi strutturali fuq l-intrapriżi ż-żgħar, bilkemm 1-2 % f’xi reġjuni, b’mod partikolari minħabba l-eżiġenzi amministrattivi u finanzjarji mhux adatti. Jidher li l-ġestjoni attwali tal-fondi strutturali tagħmilha impossibbli biex dawn l-intrapriżi jibbenefikaw kif suppost. Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jidentifikaw is-semplifikazzjonijiet meħtieġa mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs, b’mod partikolari mal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi.
4.4 Il-mobilizzazzjoni diffiċli tal-finanzjament għall-investiment
4.4.1 Il-biċċa l-kbira tal-SMEs jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jiffinanzjaw l-investiment tagħhom f’użu aktar razzjonali tal-enerġija u produzzjoni ekoloġika. Bħalissa, il-banek mhux dejjem ikunu lesti jiffinanzjaw proġetti bħal dawn minħabba fl-ammonti baxxi involuti (EUR 20 sa 25 000) u n-nuqqas ta’ persunal speċjalizzat fil-valutazzjoni ta’ dawn il-proġetti li huma kkunsidrati bħala riskjużi.
4.4.2 L-ostakli għall-appoġġ tal-programmi tal-Unjoni Ewropea: għalkemm bosta programmi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinteressaw l-SMEs, fir-realtà jista’ jkun li l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi ma jkollhomx aċċess dirett għalihom. Għandhom bżonn jipparteċipaw f’azzjonijiet fi gruppi maħluqa mill-organizzazzjonijiet intermedjarji. Iżda hawnhekk ukoll, l-eżiġenzi amministrattivi u finanzjarji u l-fatt li sikwit is-servizzi li jibdew il-proċess fil-Kummissjoni ma jkunux midħla tar-realtajiet tal-intrapriżi ż-żgħar u tal-mikrointrapriżi jwasslu biex il-proposti jiġu rifjutati ta’ spiss.
4.4.2.1 Dwar dan il-punt, il-KESE jenfasizza li l-ħarsien meħtieġ tal-baġits pubbliċi Ewropej jippenalizza l-attività ekonomika u soċjali taċ-ċittadini u tal-intrapriżi ż-żgħar kif ukoll il-livell tal-impjiegi fit-territorju. Huwa jittama li fir-reviżjoni tar-regoli finanzjarji, il-Kummissjoni tiddiskuti din il-kwistjoni b’mod ġenerali.
4.4.3 Il-KESE jitlob li jiġi ssemplifikat il-finanzjament tal-investiment u li jiġu razzjonalizzati s-sistemi fil-livelli kollha ta’ għajnuna għall-investiment. Għandhom jitniedu bosta inizjattivi:
— |
għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-banek mutwalistiċi (mutual banks) u l-banek lokali (neighbourhood banks) u ta’ diversi istituzzjonijiet finanzjarji għall-fondi tal-BEI u tal-FEI għall-finanzjament tal-investiment ta’ proġetti ta’ razzjonalizzazzjoni tal-enerġija; |
— |
għandhom jiżdiedu s-sistemi ta’ garanzija għall-SMEs sabiex dawn l-investimenti jiġu promossi u għandha titwaqqaf sistema ta’ garanziji tar-riskji sabiex il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu jkopru l-investimenti fil-qasam tal-enerġija ekoloġika. |
— |
għandu jiġi stimolat l-użu tal-mikrokreditu għall-investimenti ta’ ammonti baxxi u l-impjegati tal-banek lokali għandhom jitħarrġu biex ikunu jistgħu jivvalutaw b’mod objettiv il-proġetti ppreżentati mill-SMEs; |
— |
għandhom jiġu riveduti r-regoli finanzjarja tal-Unjoni Ewropea biex ir-rekwiżiti jsiru aktar flessibbli jew jiġu adattati u jiġu rilanċjati l-bonuses esploratorji u ta’ fattibbiltà; |
— |
għandha tissaħħaħ l-introduzzjoni tal-kuntratti tal-effiċjenzja fl-użu tal-enerġija mill-ESCOs speċjalment għall-mikrointrapriżi. |
5. Politika li tippromovi l-appoġġ u l-pariri
5.1 Informazzjoni u taħriġ
5.1.1 Il-provvista ta’ informazzjoni għall-intrapriżi kollha għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-programm ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea , iżda din l-informazzjoni trid tkun immirata, adatta għas-settur tal-attivitajiet ikkonċernati u għandha tuża l-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi. F’bosta Stati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet intermedjarji u dawk professjonali settorjali diġà organizzaw kampanji ta’ informazzjoni. Dan l-objettiv jista’ jinkiseb permezz ta’:
— |
kampanja Ewropea ta’ informazzjoni organizzata mill-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, bit-tfassil ta’ gwida dwar l-aħjar prattiki; |
— |
appoġġ għall-kampanji ta’ informazzjoni settorjali tal-organizzazzjonijiet professjonali; |
— |
l-implimentazzjoni jew it-tisħiħ ta’ punti uniċi għas-servizzi marbutin mal-ambjent u l-enerġija fil-livell lokali u reġjonali l-eqreb tal-intrapriżi; |
— |
l-appoġġ għar-reklutaġġ, fil-livell reġjonali, ta’ konsulenti fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija fi ħdan l-organizzazzjonijiet intermedjarji reġjonali. |
5.1.2 It-taħriġ tal-intraprendituri u impjiegi aktar ekoloġiċi huma fost il-prijoritajiet tal-adattament għall-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jitlob li parti mill-Fond Soċjali Ewropew tiġi allokata speċifikament għat-taħriġ tal-kapijiet ta’ intrapriżi żgħar u ta’ mikrointrapriżi u tal-impjegati tagħhom fil-qasam tal-użu effiċjenti tal-enerġija.
5.2 Appoġġ u parir lill-intrapriżi
5.2.1 Fil-każ tal-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, il-politiki tal-użu effiċjenti tal-enerġija jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv permezz tal-appoġġ individwali. F’bosta reġjuni, l-awtoritajiet jappoġġjaw is-servizzi indipendenti tal-verifika jew tal-għoti ta’ pariri dwar l-enerġija lill-intrapriżi, direttament jew permezz tal-fondi strutturali.
Għall-KESE, il-prijorità f’dan il-qasam għandha tkun it-twaqqif ta’, jew l-appoġġ għall-ħolqien ta’ servizzi indipendenti ta’ dijanjosi, ta’ pariri dwar l-enerġija u ta’ verifika, b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet intermedjarji tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet professjonali settorjali.
5.3 L-introduzzjoni ta’ politika fiskali ta’ inċentivi
5.3.1 Bil-għan li l-intrapriżi ż-żgħar jitħeġġu jinvestu biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija tal-attività tagħhom, il-KESE jistieden lill-Istati Membri 1) jinċentivaw l-investimenti materjali u l-investimenti fil-konsulenza, il-verifika u t-taħriġ, 2) jippermettu li l-intrapriżi ż-żgħar li jinvestu fl-iffrankar tal-enerġija jkunu wkoll eliġibbli għall-inċentivi finanzjarja nazzjonali li diġà jingħataw lill-individwi.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 39.
(2) Fl-2007, minn 20104 miljun intrapriża fl-UE 27: kien hemm 18,16 miljun mikrointrapriżi (b’inqas minn 10 impjegati), 1,49 miljun kienu intrapriżi żgħar (minn 10 sa 25 impjegat), 303 400 intrapriża ta’ daqs medju (minn 26 sa 250 impjegat), u 159 000 intrapriżi kbar b’aktar minn 250 impjegat. Il-mikrointrapriżi jirrappreżentaw 30 % tal-impjiegi kollha, 21 % għall-intrapriżi żgħar, 17 % għall-intrapriżi ta’daqs medju u 33 % għal dawk kbar. Sors EIM Buisness & Policy Research EWROSTAT
(3) Skont l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet intermedjarji li jirrappreżentaw l-intrapriżi ż-żgħar huma l-Kmamar tas-Snajja’ u tal-Artiġjanat, il-Kmamar tal-Kummerċ, l-organizzazzjonijiet settorjali u l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi. Rikonoxxuti mill-awtoritajiet pubbliċi bħala rappreżentanti, huma jaħdmu favur l-intrapriżi kollha fit-territorju tagħhom u jwettqu azzjonijiet fi grupp u kollettivi fl-interess tagħhom.
(4) Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 talab li jiġu kkunsidrati t-tipi differenti ta’ SMEs u li l-prijorità tingħata lill-intrapriżi ż-żgħar permezz tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” bħala prinċipju gwida tal-leġislazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/123 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali”
2011/C 44/20
Relatur: is-Sur IULIANO
Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’123 vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni.
1. Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet
Xogħol diċenti fil-politiki ta’ kooperazzjoni tal-UE u appoġġ aktar b’saħħtu għall-imsieħba soċjali
1.1 |
Il-KESE għandu impressjoni ġenerali tajba tal-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) il-ġdid, li bla ebda dubju huwa ta’ importanza biex tiġi appoġġjata l-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE madwar id-dinja kollha. Madankollu, l-KESE jirrakkomanda li l-politiki ta’ kooperazzjoni jingħatawlhom bażi istituzzjonali aktar solida taħt it-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, filwaqt li jinżammu r-rwol ċentrali u r-responsabbiltà primarja tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar ta’ politiki/strateġiji ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li jiġġedded l-appoġġ tagħha għar-rwol tal-Parlament Ewropew permezz tat-tisħiħ tal-proċedura ta’ skrutinju demokratiku u kontroll baġitarju. |
1.2 |
Il-KESE juri l-ħtieġa li titħeġġeġ ħafna aktar l-applikazzjoni prattika tal-objettivi miġbura fil-kunċett tax-xogħol diċenti. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod speċjali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, biex jappoġġjaw konkretament l-implimentazzjoni tax-xogħol diċenti fi ħdan il-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, u b’mod aktar speċifiku li x-xogħol diċenti jiddaħħal fil-pjan ta’ azzjoni għall-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. |
1.3 |
L-imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu) huma impenjati attivament fi djalogu soċjali, element ewlieni tax-xogħol diċenti, u għalhekk f’dan il-kuntest għandhom jitqiesu bħala atturi kruċjali u msieħba tal-UE. L-imsieħba soċjali jridu jiġu involuti għalkollox fid-djalogu politiku u għandhom ikunu intitolati għal appoġġ dirett. |
1.4 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-settur privat fl-iżvilupp. F’dan ir-rigward, il-KESE jsemmi l-kunċett tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji li, peress li huwa bbażat fuq il-konformità mal-istandards bażiċi tax-xogħol u tal-protezzjoni ambjentali, jagħti aktar trasparenza lill-impenji soċjali u ambjentali tal-kumpaniji sabiex ikun żgurat żvilupp ġust fil-pajjiż fejn dawn joperaw. |
1.5 |
Il-KESE jirrakkomanda programmar li huwa maħsub aktar biex jinkludi lill-imsieħba soċjali, approċċ li għandu jestendi għall-proċeduri tal-akkwist tas-servizz f’oqsma li huma parti inerenti tat-appoġġ għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. |
Ir-rwol u r-rappreżentazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (DCI)
1.6 |
Il-KESE jenfasizza b’mod ġenerali r-rwol kruċjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-iżvilupp demokratiku tan-nies u l-istati li jirċievu l-għajnuna, b’mod kompletament indipendenti mill-approċċi politiċi tal-gvernijiet. B’konsegwenza ta’ dan, il-KESE jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi biex jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali permezz ta’ programmi tematiċi tad-DCI, u jħeġġeġ ukoll li tissaħħaħ il-komplementarità ta’ dawn tal-aħħar mal-programmi ġeografiċi taħt l-istess strument, b’mod speċjali fil-każ tal-appoġġ baġitarju. |
1.7 |
Dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ tad-DCI għas-soċjetà ċivili għandhom jissaħħu jekk is-soċjetà ċivili trid taġixxi skont ir-rwol tagħha fil-livelli kollha: fid-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet ta’ politika u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi għall-iżvilupp. Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi l-evalwazzjoni u t-tħejjija tal-modalitajiet ta’ konsultazzjoni u ta’ tħaddim għall-programmi tal-Kummissjoni. Dawn il-modalitajiet għandhom jirriflettu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti (approċċ ibbażat fuq l-atturi). |
1.8 |
F’dan ir-rigward, il-KESE jaċċetta l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni internazzjonali tas-soċjetà ċivili kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak operattiv. Dan huwa espress b’mod tassew effettiv fl-organizzazzjonijiet li għandhom bażi ta’ msieħba kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar tad-dinja: pereżempju, l-imsieħba soċjali, il-moviment kooperattiv, eċċ. Peress li dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw korpi dinjija, għandu jkun possibbli għalihom li jiġu kkonsultati uffiċjalment bħala parti mill-proċess ta’ programmazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika ta’ kooperazzjoni tal-UE fuq bażi permanenti. F’dan il-kuntest, il-KESE jista’ jipproponi li jservi bħala istituzzjoni li tiffaċilita l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-UE rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
1.9 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jissaħħu l-atturi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi, mhux l-inqas permezz tal-appoġġ dirett għan-netwerks tas-soċjetà ċivili reġjonali fin-Nofsinhar. Il-KESE jipproponi li għal dan il-għan għandhom jiġu inklużi riżorsi biex isostnu l-attivitajiet relatati mal-koordinazzjoni tan-netwerks u l-iżvilupp tal-kapaċità fin-Nofsinhar, flimkien ma’ dawk li diġà qed joperaw fit-Tramuntana, taħt l-Objettiv 3 tal-programm tal-Atturi Mhux Statali tad-DCI, biex ikun possibbli li tiġi żgurata l-konsistenza ġenerali tal-politiki u l-inizjattivi. |
Żieda fl-effiċjenza tad-DCI
1.10 |
Il-KESE jilqa’ l-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE u jirrakkomanda li jiġu appoġġjati programmi fuq medda itwal ta’ żmien, magħrufa bħala ftehimiet qafas, li huma l-aktar maħsuba għal objettivi strateġiċi, u mmirati lejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
1.11 |
Il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-possibbiltà li jitwessgħu l-kriterji għall-użu ta’ għotjiet sussidjarji (sub-granting) li huwa funzjonali u jikkomplementa lill-programmi fuq ftehimiet qafas u mmirati lejn ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. |
1.12 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sostenibbiltà tal-proġetti tal-iżvilupp u jissuġġerixxi:
|
1.13 |
Il-KESE jikkunsidra li għandhom jissaħħu l-fażijiet tas-selezzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom. Il-KESE juri li jeħtieġ, b’mod partikolari:
|
2. Strumenti u programmi tal-UE għall-assistenza esterna
2.1 |
Beda proċess fit-tul għar-riorganizzazzjoni tal-programmi finanzjarji għall-assistenza esterna tal-UE fid-dawl tal-perspettiva finanzjarja tal-2007-2013. Il-qafas li rriżulta jinkludi strumenti ġeografiċi: l-IPA (strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li jkopri l-pajjiżi kandidati kif ukoll il-pajjiżi kandidati potenzjali), l-ENPI (strument ta’ viċinat għall-pajjiżi tal-Kawkażu, l-Ewropa tal-Lvant u l-Mediterran), id-DCI (strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp), l-ICI (kooperazzjoni mal-Pajjiżi Industrijalizzati) – u strumenti tematiċi: l-EIDHR (Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem) (1), l-IfS (Strument għall-Istabbiltà) u l-INSC (Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, sabiex titjieb is-sigurtà tar-reatturi nukleari mad-dinja kollha). L-istrumenti tematiċi ma jeħtiġux qbil mill-awtoritjiet tal-pajjiżi terzi biex jiġu implimentati. |
2.2 |
B’din id-diviżjoni tal-kompiti, id-DCI huwa strument speċifiku għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (2). Dan imbagħad huwa suddiviż fi programmi ġeografiċi u tematiċi (3) li l-fondi tagħhom huma mqassma b’modi differenti li jvarjaw, pereżempju, mill-appoġġ tal-baġits, għotjiet u kuntratti sal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali. |
2.3 |
Huwa importanti li wieħed jinnota li l-kategoriji tal-atturi, il-benefiċjarji potenzjali tar-riżorsi tad-DCI, twessgħu sew, b’mod partikolari fejn huma kkonċernati l-għotjiet. Kien hemm ċaqliq ’il bogħod mill-idea tradizzjonali li kienet tqis lill-NGOs għall-iżvilupp bħala l-atturi prinċipali tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lejn viżjoni b’aktar sfumaturi fejn l-imsieħba soċjali, u b’mod speċjali t-trade unions, qed jitqiesu bħala l-atturi l-ġodda eliġibbli biex jaħdmu b’dan l-istrument (4). |
2.4 |
Il-KESE ħa l-inizjattiva li jippreżenta din l-opinjoni bħala tweġiba għar-reviżjoni attwali ta’ nofs it-term tad-DCI, flimkien mal-proċess attwali tad-Djalogu Strutturat (5), bil-għan li jsiru rakkomandazzjonijiet li jappoġġjaw ir-rwol fundamentali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kooperazzjoni (6), b’attenzjoni partikolari għall-kontribut li l-imsieħba soċjali jagħmlu għall-iżvilupp. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Ta’ min isemmi wkoll l-iżviluppi riċenti dwar il-qafas ġenerali tal-UE u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-elementi innovattivi skont il-perspettiva istituzzjonali tat-Trattat jinkludu l-ħatra ta’ Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u t-twaqqif ta’ Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (7), li jopera taħt id-direzzjoni tar-Rappreżentant Għoli. Id-delegazzjonijiet tal-UE, li huma tabilħaqq rappreżentanzi diplomatiċi, ukoll jaqgħu taħt id-direzzjoni tar-Rappreżentant Għoli u se jkunu parti mis-SEAE. Għalkemm it-Trattat jalloka responsabbiltà għall-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-Kummissarju għall-Iżvilupp, il-mandat tar-Rappreżentant Għoli jibqa’ li dan jiżgura li l-azzjoni esterna tal-Unjoni tkun konsistenti u koordinata. Skont il-proposta riċenti mressqa mir-Rappreżentant Għoli (8), it-tħejjija tad-dokumenti ta’ programmazzjoni għall-istrumenti ta’ kooperazzjoni ewlenin (kemm dawk tematiċi kif ukoll dawk ġeografiċi) ser taqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-SEAE (taħt is-superviżjoni tal-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-iżvilupp). Dan l-approċċ jista’ jinvolvi r-riskju li tiġi kompromessa l-indipendenza tal-politiki tal-iżvilupp, u b’dal-mod dawn jistgħu jiġu influwenzati mill-objettivi tal-politika esterna tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll subordinati għalihom. Għalhekk, il-KESE jtenni r-rwol ċentrali u r-responsabbiltà primarja tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar tal-politiki/strateġiji tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jġedded l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-Parlament Ewropew billi tissaħħaħ il-proċedura ta’ skrutinju demokratiku u kontroll baġitarju. |
3.2 |
Il-KESE għandu impressjoni ġenerali tajba tad-DCI il-ġdid, li bla ebda dubju huwa ta’ importanza biex tiġi appoġġjata l-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE madwar id-dinja kollha. Huwa jilqa’ wkoll il-fatt li programmi differenti preeżistenti issa ġew miġbura flimkien taħt Regolament waħdieni tad-DCI, u dan iwassal għal aktar trasparenza fl-ipprogrammar u l-ġestjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, il-KESE jieħu nota tar-riżorsi finanzjarji dejjem jikbru li qed jiġu allokati għal dan is-settur, u li jwasslu biex l-Unjoni Ewropea tkun waħda mill-akbar finanzjaturi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-KESE jilqa’ wkoll l-inklużjoni tal-imsieħba soċjali bħala msieħba ġodda eleġibbli għad-DCI. Fl-aħħar nett, il-KESE huwa tal-fehma li t-temi koperti mill-istrument jaqblu ħafna mal-prijoritajiet strateġiċi identifikati mis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tiegħu (9). |
3.3 |
Madankollu l-KESE beħsiebu jenfasizza għadd ta’ rekwiżiti ġenerali dwar l-applikazzjoni effettiva tal-objettivi tad-DCI u r-rwol li għandhom is-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
3.4 |
Il-KESE juri l-ħtieġa għal inkoraġġiment ħafna akbar għall-applikazzjoni prattika tal-objettivi miġbura fil-kunċett tax-xogħol diċenti. Fil-livell internazzjonali, ix-xogħol diċenti huwa inkluż espliċitament fost l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDG) stabbiliti bħala parti mill-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-faqar u konsegwentement bħala strument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fil-livell Ewropew, ix-xogħol diċenti tqiegħed formalment fost il-politiki tal-iżvilupp fl-2006 (10) u ġie inkluż fost l-objettivi tad-DCI. Xorta jibqgħu jippersistu d-diffikultajiet biex ix-xogħol diċenti jiġi applikat fil-prattika fl-ipprogrammar u fin-negozjati tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Għalhekk, huwa ta’ stagħġib li l-Kummissjoni Ewropea ma semmiet xejn dwar ix-xogħol diċenti fil-Komunikazzjoni “Pakkett tar-Rebbiegħa dwar l-Iżvilupp” tal-2010 (11). B’konsegwenza ta’ dan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex ix-xogħol diċenti jerġa’ jiġi introdott fil-politiki tal-iżvilupp u biex fil-prattika dan jingħata post aktar prominenti. |
3.5 |
Il-KESE jfakkar li l-liberta’ ta’ assoċjazzjoni tan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali huma elementi kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki biex jiġi appoġġjat ix-xogħol diċenti, permezz tal-imsieħba soċjali. Kif tfakkar l-istess Kummissjoni Ewropea: “L-UE tqis li r-rispett tad-drittijiet soċjali u tal-istandards tax-xogħol iwasslu għal żvilupp soċjali u ekonomiku ekwu u li jtul” u, bħala konsegwenza, li “l-atturi ewlenin huma l-partijiet soċjali (l-intrapriżi u l-għaqdiet tal-ħaddiema). L-għaqdiet tal-ħaddiema huma spiss l-organizzazzjonijiet tal-massa l-aktar b’saħħithom fil-pajjiżi msieħba u li jgħassu fuq l-istandards tax-xogħol internazzjonali” (12). Barra minn hekk, fl-2005 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea esprima l-istess kunċett fid-dikjarazzjoni konġunta tiegħu dwar il-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp: “l-imsieħba ekonomiċi u soċjali bħalma huma t-trade unions għandhom rwol vitali bħala promoturi tad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem” (13). Għalhekk il-KESE jenfasizza li f’dan il-kuntest l-imsieħba soċjali għandhom jitqiesu bħala atturi u msieħba ewlenin tal-UE. L-imsieħba soċjali jridu jiġu involuti għalkollox fid-djalogu politiku u għandhom ikunu jistgħu jirċievu appoġġ dirett. |
3.6 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-settur privat, ispirat mill-prinċipji tal-libertà imprenditorjali fid-dinamiki tal-iżvilupp, sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni adegwata tal-pajjiżi terzi fl-ekonomija globali. Il-KESE jenfasizza li, sussegwentement, ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) tkun tista’ tagħmel is-settur privat responsabbli għal żvilupp aktar ġust fil-pajjiżi fejn joperaw il-kumpaniji. Fuq bażi tal-konformità mal-istandards bażiċi tax-xogħol u l-prijoritajiet dinjija għall-ħarsien tal-ambjent, is-CSR issaħħaħ l-aspetti soċjali u ambjentali fil-qafas tal-attivitajiet tad-DCI. |
3.7 |
Il-KESE jirrakkomanda programmar li huwa maħsub aktar biex jinkludi lill-imsieħba soċjali, fost aspetti oħra, fil-proċeduri tal-akkwist f’oqsma li huma parti inerenti tal-appoġġ għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. Il-KESE jinnota li ħafna drabi l-kuntratti għas-servizzi jittrattaw temi bħalma huma d-djalogu soċjali, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali. Madankollu, il-kriterji attwali ta’ selezzjoni (rekwiżiti organizzattivi u finanzjarji tal-organizzazzjonijiet applikanti) ħafna drabi jkunu ta’ ostaklu għall-parteċipazzjoni ġusta u bbilanċjata mill-istess imsieħba soċjali li fil-fatt għandhom jitqiesu bħala l-atturi ewlenin f’dan is-settur. |
3.8 |
It-tendenza tal-UE li talloka parti konsiderevoli tar-riżorsi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-appoġġ tal-baġit qed issir konsolidata (14). Għalkemm dan il-metodu jista’ jirrifletti approċċ pożittiv bil-ħsieb li l-pajjiżi benefiċjarji jsiru aktar proattivi u, fl-istess ħin, jassumu aktar responsabbiltà fil-proċessi ta’ żvilupp tagħhom, dan qiegħed ukoll fir-riskju li jillimta l-kontribut fundamentali mis-soċjetà ċivili lill-iżvilupp demokratiku reali tal-popli u l-gvernijiet li qed jirċievu l-għajnuna (15). It-tisħiħ tal-indipendenza tas-soċjetà ċivili hija garanzija ta’ żvilupp sostenibbli u b’hekk għandha tkun objettiv ta’ prijorità tal-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għalhekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali (programmi tematiċi) (16) sabiex tiġi ssodisfata funzjoni doppja: il-monitoraġġ effettiv tal-appoġġ baġitarju (17) u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet komplementari li kieku ma jkunux prattikabbli permezz ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-gvern biss (18). L-istess japplika għall-programmi ġeografiċi (19), fejn l-appoġġ għas-soċjetà ċivili għandu jiġi inkluż skont il-kriterji tat-trasparenza, programmar adegwat u d-definizzjoni tal-objettivi speċifiċi, b’konformità mad-dritt tal-inizjattiva proprja u għas-salvagwardja ta’ dan l-istess dritt. |
3.9 |
Minn din il-perspettiva, ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa essenzjali fir-rigward tal-programmi tematiċi (apparti “l-atturi mhux statali”) bħalma huma “l-investiment fin-nies”(li jkopru oqsma relatati mal-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp uman u soċjali, l-ugwaljanza u s-saħħa ġenerali), “il-migrazzjoni u l-asil” (maħsuba biex jiġu konsolidati rotot legali għall-migrazzjoni tax-xogħol), jew “l-ambjent u r-riżorsi naturali” (li jippromovu wkoll il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà ambjentali mis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) u “s-sigurtà alimentari”. B’mod partikolari, it-tema tal-“impjiegi, il-koeżjoni soċjali u x-xogħol diċenti” (20) (inkluża fil-programm Investiment fin-Nies) għandha tirrifletti aktar mill-viċin ir-rwol tal-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali. Bl-istess mod, l-iżvilupp tal-agrikoltura bażika għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fost il-prijoritajiet tal-programm dwar “is-sigurtà alimentari” (21). |
3.10 |
Fuq il-bażi tal-objettivi tad-DCI, hemm ħtieġa evidenti li jiġu adottati strateġiji globali għat-twettiq tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-istess japplika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-aktar fejn dawn ikollhom dimensjoni internazzjonali. Id-dimensjoni internazzjonali tas-soċjetà ċivili hija espressa b’mod tassew effettiv fl-organizzazzjonijiet li għandhom bażi ta’ msieħba fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tad-dinja (pereżempju l-imsieħba soċjali, il-moviment kooperattiv, eċċ. (22). Dawn l-organizzazzjonijiet jirrappreżentaw korpi dinjija u għalhekk għandu jkun possibbli għalihom li jiġu kkonsultati uffiċjalment bħala parti mill-proċess tal-ipprogrammar tal-prijoritajiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-gvernijiet benefiċjarji. B’konnessjoni ma’ dan, il-KESE jħares lejn il-makkinarju tal-konsultazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet implimentat fl-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa (23). |
3.11 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-atturi tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi terzi, parzjalment permezz tal-appoġġ dirett għan-netwerks tas-soċjetà ċivili reġjonali fin-Nofsinhar. Il-KESE jipproponi li għal dan il-għan għandhom jiġu inklużi riżorsi biex isostnu l-attivitajiet għall-koordinazzjoni tan-netwerks fin-Nofsinhar (bil-għan li tiġi kkonsolidata l-kapaċità rappreżentattiva tagħhom), flimkien ma’ dawk li diġà qed joperaw fit-Tramuntana, taħt l-Objettiv 3 tal-programm tal-“Atturi Mhux Statali” tad-DCI. L-appoġġ għan-netwerks internazzjonali u reġjonali għandu jgħin sabiex tiżdied il-konsistenza ġenerali tal-politiki u l-inizjattivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
3.12 |
Għalhekk, jidher li dawn il-mekkaniżmi ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-qafas tad-DCI għandhom bżonn jissaħħu, jekk is-soċjetà ċivili trid taġixxi skont ir-rwol tagħha fil-livelli kollha: fid-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-prijoritajiet ta’ politika, u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi għall-iżvilupp. Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi evalwazzjoni u tħejjija ta’ modalitajiet ta’ konsultazzjoni u tħaddim tal-programmi tal-Kummissjoni li jirriflettu l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet tal-atturi rilevanti (approċċ ibbażat fuq l-atturi). Evidentement, fil-preżent hemm varjetà viżibbli ta’ atturi ta’ kooperazzjoni fil-livell internazzjonali, karatterizzati mill-oqsma tagħhom ta’ azzjoni, objettivi, strateġiji, u sistemi organizzattivi u operattivi. |
4. Kummenti Speċifiċi
4.1 |
Fir-rapport riċenti tagħha dwar l-involviment tal-atturi mhux statali (24), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ffukat fuq il-ħtieġa li jiġi introdott il-finanzjament fuq medda itwal ta’ żmien tal-programmi, magħrufa bħala ftehimiet qafas, li huma mmirati lejn l-objettivi strateġiċi, għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ u jappoġġjah. |
4.2 |
Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-kriterji għall-użu ta’ għotjiet sussidjari jistgħu jitwessgħu, f’dan il-każ, ikunu komplementari fil-funzjoni mal-programmi qafas fuq bażi ta’ ftehim sabiex jintlaħqu b’mod aktar effettiv l-organizzazzjonijiet lokali. Dan ikun jirrappreżenta wkoll sistema aktar effettiva għall-ġestjoni tar-riżorsi disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, u b’hekk tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-inizjattivi. |
4.3 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sostenibbiltà tal-programmi tal-iżvilupp, u jissuġġerixxi:
|
4.4 |
Il-KESE jikkunsidra li għandhom jissaħħu l-fażijiet tas-selezzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom. Il-KESE juri li jeħtieġ, b’mod partikolari:
|
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, REX/263, 2009.
(2) Il-baġit għad-DCI għall-perijodu tal-2007-13 huwa ta’ EUR 16 897 biljun: www.developmentportal.eu/wcm/subsite/snv1v2/content/view/58/31/ Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-Pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku wkoll huwa fost l-istrumenti ta’ kooperazzjoni, għalkemm dan ma jaqax taħt il-baġit tal-UE. L-għaxar FEŻ għandu baġit ta’ EUR 22 682 miljun li jkopri l-perijodu tal-2008-13: http://europa.eu/legislation_summaries/development/overseas_countries_territories/r12102_en.htm
(3) Programmi ġeografiċi: l-Amerika Latina, l-Asja, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Afrika t’isfel; Programmi tematiċi: is-sigurtà alimentari, l-investiment fin-nies, il-migrazzjoni u l-asil, l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali, u l-ambjent u r-riżorsi naturali. Ara dan is-sit: http://ec.europa.eu/europeaid/infopoint/publications/europeaid/153a_en.htm. Għall-istess perijodu tal-2007-13, kien hemm allokat EUR 10,57 biljun għall-programmi ġeografiċi (60 %) u EUR 5,596 biljun għall-programmi tematiċi (33 %).
(4) Ara r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ĠU L 379, 27.12.2006 (il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli).
(5) Id-Djalogu Strutturat għall-inklużjoni tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa inizjattiva mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2009 sabiex jiġi diskuss ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-kooperazzjoni. Għalkemm id-Djalogu mhuwiex proċess ta’ negozjar, dan għandu l-għan li jidentifika ideat komuni dwar il-kwistjonijiet rilevanti, filwaqt li jiġbor flimkien lill-Istati Membri tal-UE u l-Parlament Ewropew kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Ara dan is-sit: http://ec.europa.eu/europeaid/who/partners/civil-society/structured-dialogue_en.htm.
(6) F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar li wara l-Forum ta’ Accra, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġew rikonoxxuti bis-sħiħ bħala “atturi indipendenti għall-iżvilupp għalihom”, fuq bażi ugwali mal-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, punt 20 tal-Aġenda ta’ Akkra għall-Azzjoni: http://siteresources.worldbank.org/ACCRAEXT/Resources/4700790-1217425866038/AAA-4-SEPTEMBER-FINAL-16h00.pdf.
(7) Il-persunal tas-SEAE ser jinkludi persunal mid-dipartiment rilevanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mas-servizzi diplomatiċi nazzjonali tal-Istati Membri. Is-SEAE huwa servizz uniku, indipendenti u separat kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Kunsill: http://eeas.europa.eu/background/index_en.htm.
(8) Artikolu 8: http://eeas.europa.eu/docs/eeas_draft_decision_250310_en.pdf.
(9) Il-Kumitat ta’ Segwitu tal-AKP tal-KESE huwa responsabbli għar-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi. Ara l-biblijografija tal-opinjonijiet tal-KESE relatata mal-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).
(10) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (COM(2006) 249 finali).
(11) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE fuq tnax-il punt b’sostenn għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju – (COM 2010 159 finali)
(12) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi (COM(2001) 252 finali). Traduzzjoni libera – il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli.
(13) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1, paragrafu 18. Traduzzjoni libera – il-verżjoni bil-Malti mhijiex disponibbli.
(14) L-appoġġ baġitarju jinvolvi t-trasferiment dirett tar-riżorsi finanzjarji mill-UE lill-pajjiż benefiċjarji permezz tal-korpi finanzjarji preeżistenti. L-appoġġ baġitarju jista’ jkun ġenerali, għall-appoġġ tal-istrateġija tal-iżvilupp nazzjonali, jew settorjali, fejn jiġi direzzjonat lejn oqsma tematiċi speċifiċi bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ. http://ec.europa.eu/europeaid/how/delivering-aid/budget-support/index_en.htm.
(15) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-istrateġija Ewropea ġdida għall-Balkani tal-Punent, ĠU C 80, 30.3.2004. Il-verżjoni Maltiji mhijiex disponibbli.
(16) Il-programmi tematiċi, b’differenza minn dawk ġeografiċi, ma jeħtiġux il-qbil tal-istat benefiċjarju biex jiġu implimentati.
(17) Dan jirreferi għar-rwol ewlieni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom fil-monitoraġġ u l-kontroll tar-riżorsi allokati għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex tiġi eliminata kull forma ta’ korruzzjoni.
(18) Bħalissa l-EuropeAid qed tagħmel studju dwar dan l-aspett. Aqra dwar l-impenn tal-atturi mhux statali fil-modalitajiet il-ġodda tal-għajnuna (Engaging Non-state actors in new aid modalities) fis-sit: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/aidco/index.php/WG2:_T1:_New_aid_modalities_and_CSOs_and_LAs_challenges_and_opportunities%3F u dwar il-komplementarità tal-istrumenti finanzjarji tal-KE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (Complementarity of EC financial instruments in the field of human rights and democracy), Nota informattiva, aidco.e.4 (2009)338553, 29.10.2009.
(19) Il-biċċa l-kbira tal-appoġġ finanzjarju għall-programmi ġeografiċi s’issa tidher li ngħatat fil-forma ta’ “appoġġ baġitarju”, fejn l-appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-livell lokali tħalla barra. Wieħed għandu jiftakar li l-programmi ġeografiċi jeħtieġu l-qbil mill-istat benefiċjarju.
(20) Ta’ min jinnota li r-riżorsi finanzjarji allokati għal din it-tema jammontaw biss għal 21 % tal-appoġġ finanzjarju ġenerali għall-programm Investiment fin-Nies tal-2007-2013. Ara r-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Programmi Tematiċi (2007-2013).
(21) Opinjoni tal-KESE, ir-relatur kien is-Sur Campli: REX/273 2009, Il-Kummerċ u s-Sigurtà Alimentari.
(22) L-imsieħba soċjali (l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem) huma organizzati kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Fl-Ewropa: il-BUSINESSEUROPE għal min iħaddem, u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) għall-ħaddiema. Fil-livell internazzjonali: l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ min Iħaddem (International Organisation of Employers – IOE) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (KITU) Il-moviment kooperattiv ukoll għandu organizzazzjonijiet ta’ livell Ewropew u dak internazzjonali: il-Cooperatives Europe u l-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (International Co-operative Alliance). Ma’ dawn wieħed għandu jżid il-kostellazzjoni ta’ organizzazzjonijiet, kooperattivi u mutwalitajiet li jiffurmaw l-ekonomija soċjali kif definit waqt il-konferenza tal-ILO f’Johannesburg tad-19-21 ta’ Ottubru 2009 (L-ekonomija soċjali: it-tweġiba tal-Afrika għall-Kriżi Globali).
(23) Ara r-rwol tat-TUAC u tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej rispettivament.
(24) The Commission’s management of Non-State Actors’ involvement in EC Development Cooperation (Il-ġestjoni tal-Kummissjoni tal-involviment tal-Atturi Mhux Statali fil-kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-KE), Rapport Speċjali Nru 7/2009.
(25) Idem, p. 21, paragrafu 41.
(26) Jista’ jitwaqqaf fond ta’ rotazzjoni għall-finanzjament ta’ dawn l-istudji, fejn il-Kummissjoni tantiċipa l-ħlasijiet li mbagħad jitnaqqsu mill-ammont totali ta’ proġett, fil-każ li dan jintgħażel.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/129 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-perspettivi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 44/21
Relatur: is-Sur JAHIER
Nhar is-17 ta' Diċembru 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-rwol u l-perspettivi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’116-il vot favur u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-ekonomija soċjali huwa fenomenu importanti u globali li jiddistingwi ruħu bil-kapaċità tiegħu għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu, il-flessibbiltà, il-kapaċità li jirreaġixxi malajr, anke fi kriżi severa, u bl-abbiltà tiegħu li jinkludi l-gruppi kollha tal-popolazzjoni b’mod partikolari l-ifqar u l-aktar gruppi marġinalizzati fis-soċjetajiet kollha. Sorsi ta' reputazzjoni tajba ħafna jistmaw li l-ekonomija soċjali tinkludi 10 % tal-popolazzjoni li taħdem tad-dinja (1) u qed tikber kullimkien. Il-karatteristiċi u d-dinamiżmu speċjali tal-ekonomija soċjali jiddistingwuha minn tipi oħra ta' ekonomiji, iżda, fl-istess waqt, jagħmluha totalment komplementari u f’ċerti każijiet anke sinerġetika ma' forom oħra ta' intrapriżi.
1.2 Fl-Afrika, l-ekonomija soċjali hija settur li s’issa fil-maġġorparti tiegħu ġie ttraskurat mill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni speċifika tal-ekonomija soċjali mhijiex rikonoxxuta u għalhekk mhijiex involuta b’mod attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politiki u l-proċessi ta' konsultazzjoni. Madankollu, fl-Afrika din l-ekonomija hija parti soda ferm mis-sistemi tradizzjonali ta' appoġġ reċiproku u ta' intrapriżi kollettivi u komunitarji li sikwit isiru intrapriżi kooperattivi jew l-aktar forom varjati ta' intrapriża mutwa. Barra minn hekk, ħafna mill-istrutturi tagħha jagħmlu parti importanti mis-settur enormi tal-ekonomija informali.
1.3 F’kontinent fejn madwar 80 sa 95 % tal-popolazzjoni taħdem fis-settur informali, l-ekonomija soċjali tista’ taqdi rwol deċiżiv fl-iżvilupp u t-trasformazzjoni gradwali ta' dan l-istandard tal-għajxien u tax-xogħol, biex iġġibu konformi mal-istandards għoljin ta' dinjità u ta' protezzjoni soċjali li permezz tagħhom dawn il-partijiet ikunu jistgħu joperaw fis-suq u jagħtu kontribut deċiżiv lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Afrika.
1.4 Fil-kuntest attwali tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika, in-natura innovattiva tal-ekonomija soċjali u l-kontribut ewlieni li tista’ tagħti għall-iżvilupp lokali ġew rikonoxxuti uffiċjalment mill-ILO, li organizza l-ewwel Konferenza dwar l-Ekonomija Soċjali f’Johannesburg fid-19-21 ta' Ottubru 2009, fejn adotta Pjan ta' Azzjoni ewlieni. Il-fatt li l-ekonomija soċjali wriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr matul il-kriżi, b’mod partikolari f’intrapriżi kooperattivi, wassal sabiex il-Bank Dinji u l-FMI juru interess ġdid fl-ekonomija soċjali.
1.5 Għaldaqstant huwa fl-interess tal-UE, bħala donatur dinji ewlieni, li tinvolvi ruħha f’din l-inizjattiva internazzjonali. Is-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti, skedata għall-2012, għandha tkun opportunità tajba.
Il-KESE jipproponi l-punti li ġejjin għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp:
— |
l-iżgurar li l-UE tirrikonoxxi b’mod formali r-rwol u l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp tal-Afrika; |
— |
l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fil-lista ta' atturi mhux governattivi tal-Ftehim ta' Cotonou li għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim; |
— |
l-irdoppjar tal-finanzjament għall-atturi mhux governattivi fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi u r-Reġjuni; |
— |
l-iżgurar li jiġu inklużi atturi mhux governattivi, inkluża l-ekonomija soċjali tal-Afrika, fir-relazzjonijiet futuri tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP fil-perijodu wara l-2020; |
— |
l-integrazzjoni tal-ekonomija soċjali fis-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika u b’mod partikolari fis-Seba’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi; |
— |
l-inklużjoni tal-kooperattivi Afrikani fil-politiki tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali fl-Afrika; |
— |
l-appoġġ tal-ekonomija soċjali tal-Afrika permezz tal-programmi tematiċi tal-UE: “Investiment fir-Riżorsi Umani” u “Atturi Mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp”; |
— |
it-tħeġġiġ tal-ħolqien u t-tisħiħ tan-netwerks tal-atturi tal-ekonomija soċjali (tramuntana-nofsinhar u nofsinhar-nofsinhar); |
— |
il-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kooperazzjoni kulturali u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi u l-politiki tal-UE; |
— |
ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-ħolqien tal-impjiegi deċenti fl-Afrika u l-fatt li dan ir-rwol jiġi rifless fil-politiki ta' kooperazzjoni tal-UE; |
— |
l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp 2010, liema rapport ser jindirizza l-protezzjoni soċjali; |
— |
it-tħeġġiġ ta' ambjent favorevoli għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali, inkluż il-qafas legali adatt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-aċċess għall-finanzjament u n-netwerking; |
— |
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni intraistituzzjonali Ewropea fil-qasam tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali; |
— |
l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fi sħubijiet strateġiċi bejn il-Kummissjoni u l-ILO. |
B’konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-KESE beħsiebu jinvolvi lill-operaturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika b’mod attiv fl-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari fil-Kumitat ta' Segwitu tal-ACP-UE.
2. Il-qagħda u d-daqs tal-ekonomija soċjali fl-Afrika
2.1 L-ekonomija soċjali hija magħmula minn dawk “l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet kollha, b’mod partikolari l-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali, li għandhom karatteristika speċifika li jipproduċu prodotti, servizzi u għarfien filwaqt li jsegwu għanijiet ekonomiċi u soċjali u jrawmu s-solidarjetà” (2). Fid-dawl ta' din id-definizzjoni, l-ekonomija soċjali hija settur ekonomiku sinifikanti kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti oħra, ibda bl-Afrika.
2.2 Peress li huwa kunċett inklużiv ħafna, li jiffoka fuq il-karatteristiċi komuni ta' organizzazzjonijiet u negozji differenti, fil-prattika huwa impossibbli li jiġu kkwantifikati l-firxa u d-daqs attwali, f’termini numeriċi, tal-ekonomija soċjali fil-pajjiżi individwali tal-Afrika jew fl-Afrika kollha. Madankollu, il-karatteristiċi tat-tipi differenti ta' organizzazzjonijiet u negozji li jsawru l-ekonomija soċjali tal-Afrika jistgħu jiġu elenkati.
2.3 Tradizzjonalment, il-kooperattivi huma parti fundamentali tal-ekonomija soċjali, u huma definiti mill-ILO (R193, 2002) bħala “assoċjazzjoni awtonoma ta' individwi magħqudin b’mod volontarju biex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-istennijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali komuni tagħhom permezz ta' intrapriża b’sjieda konġunta u kkontrollata demokratikament”. Fl-Afrika, il-kooperattivi kienu “importati” mill-awtoritajiet kolonjali, u hekk kif il-pajjiżi bdew jitolbu l-indipendenza tagħhom, saru waħda mill-forom ewlenin tal-kontinent ta' organizzazzjoni ekonomika u soċjali (Develtere, Pollet & Wanyama, 2009). Madankollu, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-gvernijiet indipendenti ġodda stabbilixxew rabtiet mill-qrib ħafna mal-kooperattivi li ntużaw biex jitħeġġeġ l-appoġġ u l-kontroll f’għadd ta' kuntesti soċjali u ekonomiċi. B’riżultat tal-liberalizzazzjoni tad-disgħinijiet, il-kooperattivi Afrikani setgħu jagħtu daharhom lir-relazzjoni eċċessivament dipendenti mal-istat, relazzjoni li kienet ikkaratterizzat l-istorja tagħhom sa dak iż-żmien, u jikbsu mill-ġdid l-awtonomija, in-natura volontarja u d-demokrazija interna li huma karatteristiċi distinti tal-mudell kooperattiv biex b’hekk daħlu f’era ġdida ta' rinaxximent u ta' espansjoni.
2.4 Tul dawn l-aħħar 15-il sena, il-mudell kooperattiv infirex aktar u sar aktar popolari. Kif juru Develtere, Pollet u Wanyama (2009) (3) huma u janalizzaw id-data ta' 11-il pajjiż Afrikan, f’bosta każijiet (il-Kenja, il-Gana u s-Senegal biex insemmu xi ftit) l-għadd ta' kooperattivi attivi żdied b’aktar mid-doppju meta mqabbel mal-1989-1992, u saru jagħmlu parti sostanzjali mill-ekonomija nazzjonali.
2.5 Il-maġġoranza tal-kooperattivi Afrikani huma tal-klijenti u joperaw fis-settur agrikolu iżda huma mifruxa ħafna wkoll fis-settur tal-kreditu: skont il-WOCCU, fl-2007 kien hemm 12 000 għaqda tal-kreditu, b’aktar minn 15-il miljun membru minn 23 pajjiż u madwar 3.5 biljun dollaru Amerikan ta' tifdil (Fonteneau & Develtere, 2009), u b’hekk huma l-punt essenzjali tal-istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament f’ħafna reġjuni Afrikani. Il-kooperattivi huma attivi wkoll fis-setturi tal-kostruzzjoni, l-assigurazzjoni u d-distribuzzjoni. Huwa stmat li madwar 7 % tal-popolazzjoni Afrikana attwalment hija msieħba f’kooperattiva.
2.6 Il-mutwalitajiet bażikament huma intiżi biex jipprovdu servizzi ta' benesseri għall-membri u l-familji tal-membri tagħhom, jaqsmu r-riskju u r-riżorsi u joperaw fis-settur tal-protezzjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari fuq l-aspetti kollha tas-saħħa u s-servizzi tas-saħħa. Dawn il-mutwalitajiet għandhom daqs u impatt konsiderevoli: madwar 500 jew iktar mutwalità joperaw fl-Afrika tal-Punent, u jipprovdu s-servizzi tagħhom lil mijiet ta' eluf ta' individwi. Fir-Rwanda, mill-2003 ’il quddiem, il-Ministeru tas-Saħħa inkorpora dawn il-mutwalitajiet fl-istrateġija tiegħu għall-espansjoni tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, fid-dawl tal-fatt li, skont id-data tal-Ministeru, 75 % tal-popolazzjoni tappartjeni għal minn tal-inqas mutwalità waħda. Madankollu, mhuwiex biss is-settur tas-saħħa li huwa kkonċernat. Hawnhekk ukoll organizzazzjonijiet u/jew negozji simili għall-mutwalitajiet joperaw f’setturi oħra wkoll. Dan japplika għat-tontines fil-parti frankofona tal-Afrika, u fir-rigward tas-settur tal-kreditu, l-għaqdiet tal-kreditu fil-parti tal-Afrika fejn jiġi mitkellem l-Ingliż u l-għaqdiet li jipprovdu servizzi tal-funerali f’bosta pajjiżi, inklużi l-Etjopja u l-Afrika t’Isfel.
2.7 Għall-ewwel darba, fis-26 ta' Ġunju 2009, fl-Afrika, il-Kunsill tal-Ministri tal-UEMOA adotta Regolament (Nru 07/2009) dwar il-mutwalitajiet. B’hekk il-valuri bażiċi li jiddistingwu l-prinċipji tal-mutwalitajiet ġew identifikati u rikonoxxuti: it-trasparenza, ir-responsabbiltà soċjali, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u l-appoġġ reċiproku. Dawn il-prinċipji jiddefinixxu wkoll karatteristiċi oħra li huma speċifiċi għall-mutwalitajiet, b’mod partikolari sħubija fuq bażi volontarja u nondiskriminatorja; skop mhux għal qligħ; operat demokratiku u parteċipattiv tal-istituzzjoni; livell għoli ta' appoġġ reċiproku; awtonomija u indipendenza; ħidma volontarja tal-bord tat-tmexxija; parteċipazzjoni responsabbli.
2.8 Grupp kbir ieħor fl-Afrika, li huwa preżenti fis-setturi rurali u urbani kollha possibbli, huwa dak tal-assoċċjazzjonijiet li jinkludu l-organizzazzjonijiet volontarji, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, l-organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-qligħ u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs). In-numru ta' assoċjazzjonijiet relatati mal-ekonomija soċjali żdied ħafna bil-proċessi ta' demokratizzazzjoni fid-disgħinijiet permezz ta' oqfsa legali mtejba u strutturi operattivi flessibbli li jippermettu li l-mudell tal-assoċjazzjoni jiġi adatt skont l-aktar bżonnijiet soċjali varjati. Ir-rwol tal-NGOs huwa partikolarment importanti fi ħdan dan il-grupp. L-NGOs, li sikwit jaħdmu ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet simili fit-tramuntana, jirnexxilhom jiksbu ħafna riżorsi u għaldaqstant joperaw fuq skala usa’. Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali sikwit ikunu attivi f’bosta pajjiżi, u jippromovu l-istrutturi u l-inizjattivi tal-ekonomija soċjali.
2.9 Minħabba l-karatteristiċi strutturali u operattivi tagħhom, il-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi l-oħra relatati mal-ekonomija soċjali għandhom impatt ekonomiku u soċjali konsiderevoli fl-Afrika. L-ewwel u qabel kollox, jipprovdu impjiegi u parteċipazzjoni demokratika diretta fl-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, peress li joperaw b’mod usa’ fis-soċjetà u sikwit fl-ifqar żoni rurali fejn ftit li xejn ikun hemm inizjattivi tal-Istat, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jagħtu lill-aktar gruppi vulnerabbli (il-foqra, in-nisa, l-individwi b’diżabbiltà, il-ħaddiema ta' bla sengħa, il-migranti, eċċ) aċċess għas-servizzi soċjali u/jew ekonomiċi. Kemm jekk f’termini ta' mikrofinanzjament jew ta' kura tas-saħħa u għajnuna għall-benesseri għal dawk milquta mill-HIV/AIDs, jew il-parteċipazzjoni f’kooperattiva tal-biedja jew kumpanija tal-funerali, l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jipprovdu miżuri ta' protezzjoni soċjali fuq bażi inklużiva u komunitarja li, fl-istess waqt, tiġġenera oġġetti u servizzi b’impatt ekonomiku ċar, u dan jgħin direttament biex jonqos il-faqar.
2.10 Ir-rwol tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huwa aktar importanti fil-kuntest tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, li fl-Afrika josbqu l-effetti tal-kriżi tal-ikel u tal-enerġija tal-2007-2008 (4). Malli s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' parti kbira tal-popolazzjoni marret għall-agħar, il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw misshom saħħew u espandew is-sistemi ta' protezzjoni soċjali li sikwit kellhom xi nuqqasijiet f’ċerti aspetti. Dan huwa qasam fejn l-ekonomija soċjali diġà hija preżenti u attiva, u sikwit tikkumpensa għan-nuqqasijiet u n-natura frammentata tal-inizjattivi tal-Istat, mingħajr ma tieħu post ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet.
3. Il-programm tal-ILO
3.1 L-ekonomija soċjali, minħabba l-karatteristiċi inerenti tagħha, fiha nnifisha hija mezz ta' ħolqien ta' impjiegi ġodda, konformità akbar mal-istandards ewlenin tax-xogħol u tippromovi l-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali. Għaldaqstant, tidħol tajjeb mal-objettivi strateġiċi stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex jinkiseb u jiġi garantit xogħol deċenti, jiġifieri xogħol li jitwettaq f’kundizzjonijiet ta' libertà, ekwità, sigurtà u dinjità tal-bniedem. Ix-xogħol deċenti, objettiv ewlieni dejjiemi tal-ħidma tal-ILO, huwa l-qofol tal-pjani għat-tnaqqis tal-faqar u huwa għodda għall-promozzjoni tal-iżvilupp inklużiv, ġust u sostenibbli.
3.2 Fir-rapport tagħha dwar “Aġenda għal Xogħol Deċenti fl-Afrika: 2007-2015” (ILO, 2007), l-ILO tistabbilixxi l-opportunitajiet u l-isfidi li l-Afrika qed tiffaċċja biex ix-xogħol deċenti jsir realtà madwar il-kontinent u biex tiżgura żvilupp ekonomiku u soċjali adegwat. L-isfidi ewlenin li ġew identifikati jinkludu l-qgħad, is-sottoimpjieg u l-faqar; ir-rwol tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp; il-problemi assoċjati mal-esklużjoni soċjali u t-tifrix tal-HIV/AIDS. Id-dokument ma jirreferix b’mod espliċitu għall-ekonomija soċjali. Madankollu, il-kunċetti, il-miżuri, l-attenzjoni għall-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet, l-importanza ċentrali li tingħata lill-ekwità, u l-parteċipazzjoni u l-protezzjoni soċjali kollha huma kompatibbli mal-pedamenti tal-ekonomija soċjali.
3.3 Matul is-snin, l-ILO kisbet għarfien li huwa rilevanti għall-ekonomija soċjali, minn naħa permezz tal-istrumenti tradizzjonali tagħha u min-naħa l-oħra billi stabbilixxiet unità għall-kooperattivi (EMP/COOP) u nediet sensiela ta' programmi ta' assistenza teknika fuq medda ta' kontinenti (eż. CoopAfrica) jew pajjiżi individwali (eż. SAY JUMP fl-Afrika t’Isfel).
3.4 Għaldaqstant, mhux b’kumbinazzjoni li l-ILO ser tkun l-ewwel waħda biex tiftaħ id-dibattitu internazzjonali dwar l-ekonomija soċjali tal-Afrika. Wara li talbet sensiela ta' analiżi u studji dwar il-kooperattivi fl-Afrika, l-ILO organizzat konferenza dwar “L-ekonomija soċjali – Ir-risposta tal-Afrika għall-kriżi globali” f’Johannesburg f’Ottubru 2009. Il-konferenza, li ġabret parteċipanti mill-Afrika kollha, laħqet l-ogħla punt tagħha bl-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi u l-Organizzazzjonijiet tal-Ekonomija Soċjali fl-Afrika (5).
3.5 Il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi erba’ objettivi strateġiċi:
— |
fil-livell globali, l-ILO u l-partijiet interessati fl-ekonomija soċjali jimpenjaw ruħhom biex itejbu r-rikonoxximent tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u jżidu l-għadd ta' sħubijiet bejn il-partijiet interessati fl-ekonomija soċjali fit-tramuntana u n-nofsinhar u bejn in-netwerks tal-ekonomija soċjali tal-Afrika u dawk f’reġjuni oħra; |
— |
fil-livell reġjonali, għandhom jippromovu l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, jimmobilizzaw ir-riżorsi biex jistabbilixxu programm tal-ekonomija soċjali għall-Afrika; |
— |
fil-livell nazzjonali: l-objettiv hu li jiġi stabbilit, jissaħħaħ u/jew promoss ambjent favorevoli legali, istituzzjonali u ta' politika għall-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u li jiġu żviluppati u msaħħa l-istrutturi tal-ekonomija soċjali; |
— |
fl-aħħar, fil-livelli mikro u meso, l-objettiv hu li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali bil-għan li jsiru aktar effettivi u jagħtu kontribut biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tan-nies f’termini ta' protezzjoni soċjali, il-ħolqien ta' dħul, il-promozzjoni tal-impjieg, id-drittijiet fil-post tax-xogħol, is-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent, il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, l-esklużjoni soċjali, eċċ |
3.6 L-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija wasal wara l-impatt tal-kriżi tal-ikel u tal-enerġija, u għaldaqstant l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni ta' Johannesburg huma aktar urġenti. Skont l-ILO, madwar 73 % tal-ħaddiema fis-Sub-Saħara għandhom impjieg prekarju. Dan il-perċentwal seta’ żdied għal 77 % fl-2009, u x’aktarx kabbar it-tensjoni tal-migrazzjoni kemm fl-Afrika stess kif ukoll bejn l-Afrika u l-Ewropa, peress li ħafna ħaddiema jipprovaw isibu futur aħjar. Il-kriżi diġà nħasset fit-tnaqqis ta' investiment barrani dirett fl-infrastruttura u l-manifattura tal-prodotti, u l-fatt li l-migranti qed jibagħtu inqas flus. Il-promozzjoni u t-twaqqif ta' organizzazzjonijiet u intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u b’hekk jipprovdu alternattiva prattika għall-flussi tal-migrazzjoni.
3.7 Il-kontribut vitali tal-kooperattivi għall-iżvilupp soċjoekonomiku dan l-aħħar wassal sabiex in-Nazzjonijiet Uniti jiddikjaraw l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi. Din ser tkun l-opportunità li jiġi promoss u jikber aktar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.
4. Perspettivi u rakkomandazzjonijiet għall-involviment tal-UE u politiki ta' prijorità ġodda
4.1 L-ekonomija soċjali hija fenomenu sinifikanti fl-Unjoni Ewropea u r-rwol ekonomiku u soċjali tagħha qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar. Fl-2006, il-KESE fassal rapport inizjali u estensiv f’dan ir-rigward (6).
Fl-2009, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-ekonomija soċjali bħala pilastru tal-integrazzjoni Ewropea, “billi l-ekonomija soċjali tirrappreżenta 10 % tat-total tan-negozji Ewropej, b’żewġ miljun intrapriża jew 6 % tal-impjieg totali, u għandha potenzjal għoli biex tiġġenera u żżomm impjieg stabbli” (7).
Fl-aħħar, il-KESE rrakkomanda li jiġu rikonoxxuti u ppreservati l-mudelli differenti ta' intrapriżi, inkluża l-ekonomija soċjali (8).
4.2 L-ekonomija soċjali m’għandhiex il-post speċifiku tagħha fost il-fatturi li jiddeterminaw l-azzjoni tal-UE fil-programmi ta' kooperazzjoni esterna tagħha. Madankollu, is-setturi ewlenin fejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali joperaw fl-Afrika lkoll huma fost il-prijoritajiet operattivi tal-UE, jiġifieri l-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, l-iżvilupp agrirurali, il-mikrofinanzjament u l-kultura. B’riżultat ta' dan, għalkemm mhumiex diretti speċifikament lejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-istrumenti rilevanti u l-oqsma ta' politika tal-UE li jistgħu jintużaw diġà ġew stabbiliti.
4.3 Madankollu, biex din ir-realtà soċjoekonomika ġdida tal-kontinent Afrikan tiġi inkluża fl-iżvilupp għall-kooperazzjoni tal-UE, ġie rrakkomandat li l-UE tirrikonoxxi formalment l-eżistenza tal-ekonomija soċjali tal-Afrika. L-inklużjoni ta' prijorità ġdida ta' dan it-tip fl-aġenda proprja tagħha tista’ tkun ta' interess speċifiku u valur miżjud għall-UE peress li dan jista’ jħeġġeġ kooperazzjoni espliċita mal-korpi internazzjonali bħall-ILO u l-Bank Dinji u b’hekk jiġu żviluppati sinerġiji tas-sistemi li qed isiru dejjem aktar utli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Barra minn hekk, din il-prijorità ġdida tinkludi l-partijiet interessati ewlenin Ewropej tal-ekonomija soċjali u konsegwentement tgħin biex jitħeġġeġ appoġġ pubbliku Ewropew għal żieda fl-għajnuna esterna tal-UE.
4.4 L-aktar mezz effettiv biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent kunċettwali tar-rwol u l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp tal-Afrika huwa l-promozzjoni tas-settur permezz ta' sħubijiet eżistenti tal-UE mal-Afrika, b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Cotonou u s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika.
4.4.1 Fir-rigward tal-Ftehim ta' Cotonou, hija ħasra li r-reviżjoni tal-2010 diġà ġiet konkluża u li d-dispożizzjonijiet dwar l-ekonomija soċjali ma ġewx inklużi f’din ir-reviżjoni. Madankollu, id-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-Afrika għandhom jieħdu passi malajr kemm jista’ biex jinkludu l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-lista ta' atturi li għandhom jiġu kkunsidrati u mistiedna għall-konsultazzjonijiet.
4.4.2 Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-2015 għandha tipprovdi l-opportunità biex l-ekonomija soċjali tiġi rikonoxxuta b’mod espliċitu u inkluża fil-kategorija ta' atturi mhux governattivi li għandhom jiġu informati, kkonsultati u involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, u li għandhom jirċievu r-riżorsi finanzjarji u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod effettiv.
4.4.3 Il-KESE jqis li d-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP għall-perijodu wara l-2020, meta jiskadi l-Ftehim ta' Cotonou, mhux biss għandha tiżgura l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali għall-atturi mhux governattivi simili għal dawk tal-Ftehim ta' Cotonou, iżda għandha tiżgura wkoll li l-ekonomija soċjali hija inkluża b’mod espliċitu f’din il-kategorija.
4.5 B’rabta mas-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika, jistgħu jiġu stabbiliti rabtiet diretti bejn l-objettivi u l-azzjonijiet tas-Seba’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà, l-Impjiegi u l-Ekonomija Soċjali, b’mod partikolari b’rabta mal-kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi, il-formalizzazzjoni gradwali tal-ekonomija informali u l-promozzjoni tax-xogħol deċenti. F’dan il-kuntest, it-Tielet Summit bejn l-UE u l-Afrika li għandu jsir f’Novembru 2010 u l-Pjani ta' Azzjoni ġodda li ser jiġu adottati matul is-Summit huma opportunità tanġibbli biex tiġi promossa l-ekonomija soċjali. Pereżempju, il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal din is-Sħubija jista’ jinkludi:
— |
bħala objettiv: ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mezz kif jingħeleb id-distakk bejn l-ekonomija formali u informali u jitħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi deċenti; |
— |
bħala azzjoni: it-titjib tal-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-atturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika billi jiġu żviluppati kurrikula fl-istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u fl-universitajiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni; |
— |
bħala azzjoni: l-iffaċilitar tas-self u l-mikrokreditu għall-atturi tal-ekonomija soċjali; |
— |
bħala azzjoni: l-għajnuna lill-gvernijiet fl-Afrika biex jistabbilixxu ambjent legali, istituzzjonali u ta' politika li jħeġġeġ il-promozzjoni u l-operazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
4.6 F’livell settorjali, l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika huma attivi ħafna fis-settur agrikolu u fl-iżvilupp rurali. Saru impenji konkreti f’dan il-qasam taħt l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika għall-Agrikoltura u fil-Komunikazzjoni dwar Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana (9). Però, l-ebda waħda ma tirreferi għas-settur tal-kooperattivi li huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija soċjali tal-Afrika. Madankollu, hemm bosta opportunitajiet għal azzjoni u kooperazzjoni fil-kooperattivi agrikoli u rurali tal-Afrika u dawn jikkorrispondu għall-objettiv li “jsir enfasi fuq governanza mtejba tal-agrikoltura u jingħata appoġġ lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati Afrikani li huma involuti fl-agrikoltura” (10).
4.6.1 Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp jinkludi programm tematiku dwar is-sigurtà tal-ikel, settur ieħor fejn l-istrumenti u l-programmi eżistenti tal-UE jistgħu jintużaw biex jiġi rikonoxxut ir-rwol fundamentali li l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika jistgħu jaqdu fil-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp.
4.7 Programm tematiku ieħor tal-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp li għandu jiġi kkunsidrat huwa “Investiment fin-nies”. Dan il-programm, għall-iżvilupp tar-riżorsi umani, jista’ jintuża biex jiġu appoġġjati t-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet intraprenditorjali tal-atturi tal-ekonomija soċjali fl-Afrika.
4.7.1 Dan ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma fundamentali għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq. Għandhom jiġu investiti sforzi partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nisa, li r-rwol tagħhom fl-ekonomiji tal-Afrika, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura u fiż-żoni rurali, sikwit huwa sottovalutat.
4.8 Fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-ġestjoni, l-UE għandha tiffaċilita u trawwem relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali Ewropew u Afrikani. L-iskambju tal-esperjenzi, il-prattiki tajba u l-għajnuna teknika tul l-assi tat-tramuntana-nofsinhar u tan-nofsinhar-nofsinhar jsaħħu l-istrutturi Afrikani (11). Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ il-ħolqien u t-tisħiħ tan-netwerks tal-ekonomija soċjali (tramuntana-nofsinhar u nofsinhar-nofsinhar) bħala mezz essenzjali ta' kooperazzjoni u trasferiment ta' għarfien bejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.
4.9 L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti wkoll għall-ħila fis-sengħa u, b’mod usa’, għall-kooperazzjoni kulturali. Iż-żewġ oqsma huma importanti għall-ħolqien tal-impjiegi, kif diġà stqarr bosta drabi il-KESE. Konsegwentement, l-UE għandha tqis dawn is-setturi hi u tinkludi l-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-programmi u l-politiki tagħha.
4.10 Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi, li, flimkien mal-protezzjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa parti fundamentali tal-ekonomija soċjali, speċjalment fir-rigward tal-impjiegi rurali, xi aspetti tal-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika jistgħu jintrabtu mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Johannesburg. Dan japplika għat-Tielet Azzjoni ta' Prijorità dwar l-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar tas-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi, li tenfasizza l-prinċipji ta' xogħol deċenti.
4.11 Mezz ieħor biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent konċettwali tar-rwol tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-Afrika jista’ jkun ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010. Fl-2010, ir-rapport ser jindirizza t-tema tal-protezzjoni soċjali, qasam fejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jaqdu rwol fundamentali, speċjalment fl-Afrika, kif diġà ġie ddikjarat (12). Barra minn hekk, l-inklużjoni espliċita tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010 twassal biex tiġi abbozzata politika speċifika ta' protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp, li bħalissa hija nieqsa.
4.12 IL-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tibda tieħu nota ta' kif l-Istati Membri jikkooperaw mal-atturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika biex ikun hemm aktar koordinazzjoni u qsim tax-xogħol f’dan il-qasam bejn l-UE u l-Istati Membri.
4.13 Sabiex l-ekonomija soċjali tal-Afrika tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-eliminazzjoni tal-faqar, jinħtieġ ambjent favorevoli li jinkludi l-qafas legali adatt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, aċċess għall-finanzjament u netwerking bejn l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali tal-Afrika u l-kontropartijiet Ewropej tagħhom. Rigward l-ambjent legali, l-UE u l-ILO għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet Afrikani jirreġistraw l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti l-operazzjoni effettiva ta' dawn l-atturi filwaqt li tkopri l-kwistjoni ewlenija tas-sjieda tal-mezzi ta' produzzjoni. L-UE u l-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki mill-pajjiżi Ewropej fejn l-ekonomija soċjali hija l-aktar attiva.
4.13.1 L-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u n-netwerking tal-atturi tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu ġestiti fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Cotonou, l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika u l-Programm Tematiku dwar “Atturi mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp” (strument Ewropew għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp) (13). L-attivitajiet jistgħu jinkludu appoġġ għall-koordinazzjoni, konsulenza u djalogu, integrazzjoni vertikali u orizzontali tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, taħriġ, eċċ.
4.13.2 Għal dan il-għan, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu inklużi fil-kategorija ta' atturi mhux governattivi eliġibbli fil-Programm Tematiku msemmi hawn fuq. Barra minn hekk, il-finanzjament għal dawn il-programmi tematiċi u għal programmi tematiċi addizzjonali fejn l-ekonomija soċjali tista’ tiġi involuta b’mod effettiv (14) għandu jiżdied matul ir-reviżjoni tal-Perspettivi Finanzjarji Ewropej (2014-2020) li jmiss sakemm jiġi rdoppjat, kif diġà talab il-KESE (15). Indipendentement mill-finanzjament tal-UE, il-koordinazzjoni, id-djalogu, is-sinerġiji u l-proġetti konkreti ta' kooperazzjoni għandhom jitħeġġu u jissoktaw bejn is-setturi differenti tal-ekonomija soċjali Ewropea u Afrikana u b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet Afrikani. Bl-istess mod, il-finanzjament għall-programmi rilevanti tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ 2014-2019) għandu jiżdied, biex l-ekonomija soċjali tibbenefika minn din l-għajnuna.
4.14 Aspett addizzjonali li jikkarterizza ambjent favorevoli huwa, l-ewwel u qabel kollox, il-kundizzjonijiet ġenwini għal aċċess għall-finanzjament għall-atturi mhux governattivi abbażi ta' proċeduri semplifikati.
Aspett partikolari u innovattiv huwa s-self fil-perijodu fit-tul għal atturi aktar strutturati tal-ekonomija soċjali. Min-naħa tagħha, l-UE għandha tiffaċilita l-aċċess għal dan is-self permezz ta' strumenti eżistenti jew ġodda.
4.15 Fl-aħħar, il-KESE jitlob għal kooperazzjoni Ewropea intra u interistituzzjonali għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tal-Afrika:
— |
il-Parlament Ewropew, li diġà adotta riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-ekonomija soċjali fuq l-integrazzjoni Ewropea (16), huwa mitlub jadotta riżoluzzjoni dwar il-kontribut tal-ekonomija soċjali tal-Afrika għall-eliminazzjoni tal-faqar, fil-Kumitat tal-Iżvilupp u/jew fl-Assemblea Konġunta Parlamentari bejn l-UE u l-ACP; |
— |
il-Presidenza tal-Belġju tal-Kunsill tal-UE, ta' matul it-tieni nofs tal-2010 meta għandu jiġi organizzat it-Tielet Summit bejn l-UE u l-Afrika, hija mistiedna taħdem b’mod attiv biex iżżid ir-rikonoxximent u l-appoġġ tal-ekonomija soċjali tal-Afrika; |
— |
ġie rrakkomandat li l-Kummissjoni Ewropea tesplora possibbiltajiet għall-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fis-Sħubija Strateġika Kummissjoni-ILO fil-qasam tal-iżvilupp, li għandha l-għan li tnaqqas il-faqar u tikkontribwixxi għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-Aġenda ta' Xogħol Deċenti għal Kulħadd (17). |
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Dokument preparatorju għall-Konferenza tal-ILO f’Johannesburg, 19-21 ta' Ottubru, issir referenza għalih fl-Appendiċi 3.
(2) Ara l-Artikolu 1 tal-Preambolu tal-Pjan ta' Azzjoni għall-promozzjoni tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali fl-Afrika, li tfassal fil-Konferenza Reġjonali tal-ILO dwar l-Ekonomija Soċjali – Ir-Risposta tal-Afrika għall-Kriżi Globali, Johannesburg, 19-21 ta' Ottubru 2009. Ara wkoll id-dijagramma fl-Appendiċi 2.
(3) Op. cit., Appendiċi 3.
(4) Ara l-Opinjoni REX 285 – CESE 1954/2009, Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi, relatur: is-Sur Jahier.
(5) Ara Appendiċi 1 u http://www.ilo.org/public/english/region/afpro/addisababa/pdf/se_planofaction_en.pdf.
(6) CIRIEC, L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea, CESE/COMM/05/2005.
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali; relatur: is-Sinjura Toia.
(8) INT/447 – CESE 1454/2009, Forom differenti ta' intrapriża, relatur: is-Sur Cabra De Luna; korelatur: is-Sinjura Zvolská.
(9) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għal kooperazzjoni fuq livell kontinentali u reġjonali dwar żvilupp agrikolu fl-Afrika (COM(2007) 440 finali).
(10) The Africa-EU Strategic Partnership – A Joint Africa-EU Strategy (Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika – Strateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika), punt 73.
(11) Eżempju pożittiv tan-netwerk tat-Tramuntana-Nofsinhar tal-ekonomija soċjali huwa Réseau ESMED (Réseau Euro-méditerranéen de l'Economie Sociale – Netwerk Ewro-Mediterranju tal-Ekonomija Soċjali) li jinkludi organizzazzjonijiet minn Spanja, Franza, l-Italja, il-Marokk, il-Portugall u t-Tuneżija., Dan jgħin u jkattar skambji u proġetti ta' kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.
(12) Ara punti 2.8 u 2.9 hawn fuq.
(13) L-Artikolu 5.1.2 ta' dan il-programm jiddikjara li l-UE ser tappoġġja l-inizjattivi li jikkontribwixxu għal żieda fin-numru ta' skambji transnazzjonali, it-tiswir tal-kunfidenza, in-netwerking u l-attivitajiet ta' koordinazzjon bejn atturi mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali (Tramuntana-Nofsinhar, Nofsinhar-Nofsinhar).
(14) Pereżempju, il-Programmi Tematiċi tal-Istrument Ewropew ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp “Ninvestu fin-nies” u “Is-sigurtà tal-ikel”.
(15) Ara punt 6.3 tal-Opinjoni REX/285-2009 dwar Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi, relatur: is-Sur Jahier.
(16) Ara nota 4 f’qiegħ il-paġna.
(17) http://ec.europa.eu/europeaid/what/social-protection/documents/memorandum_of_understanding_ec_ilo_en.pdf
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/136 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija għall-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona”
2011/C 44/22
Relatur: is-Sur TÓTH
Korelatur: is-Sur SZŰCS
Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Parks Ewropej tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza fil-ġestjoni tal-kriżi, it-tħejjija tal-perijodu wara l-kriżi u wara l-Istrateġija ta’ Lisbona
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-1 ta’ Lulju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 vot favur, 7 voti kontra u l-ebda astensjoni.
1. Rakkomandazzonijiet
1.1 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-Parks tat-Tekonoloġija, Industrijali u tax-Xjenza (PTIX) fis-sostenn tal-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni. L-istrutturi stabbiliti jappoġġjaw il-bidla industrijali bl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, il-konċentrazzjoni tar-riżorsi u l-bażi tal-għarfien. |
1.2 |
L-UE teħtieġ approċċ iktar iffokat u integrat, orjentat lejn is-sostenn u l-iżvilupp tal-PTIX tas-seklu 21. B’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi u l-perijodu wara l-kriżi, għandha tiġi segwita strateġija iktar komprensiva, sabiex jinkisbu l-benefiċċji potenzjali tal-parks għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati bi tmexxija u ambizzjoni f’isem l-UE. |
1.3 |
Huwa rrakkomandat li jiġu identifikati u żviluppati sinerġiji mal-inizjattivi prinċipali tal-UE f’dan il-qasam, b’mod partikolari mal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni u l-Komunitajiet tiegħu tal-Għarfien u l-Innovazzjoni. |
1.4 |
L-iżvilupp ta’ ġenerazzjonijiet ġodda, għamla ġdida ta’ parks għandhom jiġu nnotati u mħeġġa. Ir-rwol tal-parks fit-tfassil tal-istrutturi ta’ innovazzjoni għandu jiġi promoss ukoll. |
1.5 |
Rigward id-dimensjoni reġjonali, l-involviment tal-gvernijiet lokali u l-agglomerati fl-iżvilupp tal-PTIX għandu jissaħħaħ bl-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hemm bżonn li jittejbu l-attivitajiet tan-netwerking bejn l-atturi tas-settur pubbliku, il-komunità tal-kummerċ u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. |
1.6 |
Fl-iżvilupp tal-parks, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet xjentifiċi u b’mod partikolari mal-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka qed issir dejjem iktar importanti. L-istess jgħodd għall-aspetti universitarji u tar-riċerka; madankollu, il-kollaborazzjoni mal-parks, attwalment għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha. Il-parks jistgħu jservu l-funzjoni tagħhom bħala pont bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Is-sħubija mal-parks tista’ tkun parti minn sistema ta’ kriterji għall-ippremjar tal-universitajiet eċċellenti. |
1.7 |
L-attivitajiet ta’ osservazzjoni, ta’ evalwazzjoni u ta’ akkreditazzjoni f’dan il-qasam għandhom jitnedew u jiġu appoġġjati, flimkien mat-tixrid ta’ prattiki tajba. L-analiżi u l-istudji empiriċi tat-tqabbil huma meħtieġa biex jagħtu qafas lill-politiki Ewropej u nazzjonali u l-istrumenti relatati mal-ħolqien u t-tkabbir tal-parks. Huwa rakkomandat li tiġi appoġġjata l-identifikazzjoni ta’ PTIX madwar l-Ewropa fl-għamla ta’ bażi tad-data komprensiva. Dan jista’ jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-parks billi tinħoloq matriċi interkonnessa li tippromovi l-konnettività biex jingħelbu l-ostakli reġjonali għat-tkabbir. |
1.8 |
Il-professjonalizzazzjoni kontinwa fl-iżvilupp u t-tħaddim tal-parks hija rikonoxxuta fil-ġestjoni organizzattiva, fl-aspetti kumplessi tal-iżvilupp (reġjonali) u anke fl-integrazzjoni tal-element tar-riċerka, l-approċċ ta’ clustering strutturat u l-element tal-kwalità. Madankollu, għadu meħtieġ iktar titjib fl-istandards tat-tħaddim tal-parks. |
1.9 |
Hemm lok li jiġi sfruttat iktar il-potenzjal f’termini ta’ żvilupp li joriġina mill-possibbiltajiet offerti mill-Unjoni Ewropea rigward il-koeżjoni u l-aġġustament; dawn jistħoqqilhom li jiġu maħsuba f’perspettiva fit-tul. |
2. Daħla
2.1 |
F’Novembru 2005, il-KESE approva opinjoni komprensiva fuq inizjattiva proprja fuq it-tema tal-Parks tat-Teknoloġija, Industrijali u tax-Xjenza (PTIX). Ingħatat attenzjoni partikolari lill-parks fl-Istati Membri l-ġodda iżda r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet li saru jgħoddu għall-UE b’mod ġenerali. |
2.2 |
Ta’ min jinnota li l-opinjoni li ssemmiet hawn fuq tinkludi bosta stqarrijiet rilevanti u fformulat rakkomandazzjonijiet adatti, li kellhom impatt politiku konsiderevoli tul dawn l-aħħar snin. Il-progress li sar bis-saħħa t’hekk huwa f’sinerġija mal-isforzi fil-kamp tal-politika reġjonali, industrijali u tal-innovazzjoni tal-UE. |
2.3 |
Għandhom jitfakkru dawn ir-riżultati u rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li kellhom impatt ċar:
|
2.4 |
Wasal iż-żmien li ssir analiżi tal-impatt tal-opinjoni preċedenti, kemm rigward il-lezzjonijiet ta’ politika kif ukoll dawk prattiki li ttieħdu. Din l-opinjoni ta’ segwitu tiżviluppa wkoll ir-rwol u l-potenzjal tal-parks fil-ġestjoni tal-kriżi ekonomika. F’dan id-dokument, il-KESE huwa interessat fl-ispeċjalizzazzjoni tal-parks, fl-inizjattivi ġodda tal-industrija, tal-ħaddiema u anke tal-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili, fl-isfidi l-ġodda fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej li qed jiffaċċjaw il-parks, kif ukoll fil-missjonijiet kumplessi tal-korpi li jmexxu dawn il-parks. |
2.5 |
Il-Parks tat-Teknoloġija, Industrijali, tal-innovazzjoni u tax-Xjenza (PTIX) qed jitqiesu dejjem iktar bħala mezz kif jistgħu jinħolqu sistemi produttivi lokali (clusters) dinamiċi li jaċċeleraw it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività internazzjonali. Huma qed jikkontribwixxu għat-tibdil industrijali fl-Ewropa, itejbu l-attività fl-innovazzjoni, fil-clustering u ta’ bejn il-kumpaniji (B2B) u jappoġġjaw is-settur tal-SME u l-ħolqien tal-intrapriżi. Id-definizzjoni tas-sistemi produttivi lokali (clusters) ġiet żviluppata b’mod dettaljat fil-punt 2.3 tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Id-distretti industrijali Ewropej fil-konfront ta’ netwerks ġodda tal-għarfien (1). |
2.6 |
L-UE għandu jkun lest ukoll għall-perijodu ta’ wara l-kriżi, fejn il-kapaċitajiet u r-riżorsi innovattivi, xjentifiċi u industrijali jinsabu fil-PTIX madwar l-UE. Huwa rilevanti li nenfasizzaw ir-rwol potenzjali tal-parks fit-tħejjija tal-ippjanar tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010. L-għan ta’ din l-opinjoni ta’ segwitu huwa li jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet b’konformità/b’rabta ma’ dawn ir-riżultati. |
3. Ir-rwol u l-pożizzjoni dejjem jinbidlu tal-PTIX
3.1 |
Il-bidliet ekonomiċi u soċjali profondi f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-proċess u l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika jew il-problemi marbutin mas-sostenibbiltà, is-sigurtà tal-enerġija u t-tibdil fil-klima li qed joħorġu fid-dieher wasslu għal orjentazzjoni ġdida fl-Ewropa u d-dinja kollha rigward l-ideat u l-kompiti relatati mal-modernizzazzjoni, it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku. F’dan il-kuntest, sabiex ikunu effiċjenti f’dan l-ambjent, il-parks għandhom jiżviluppaw funzjonijiet u servizzi ġodda u joħorġu b’mudelli kummerċjali ġodda li jippermettu attivitajiet u setturi emerġenti jiffjorixxu. |
3.2 |
L-importanza tal-parks tax-xjenza u t-teknoloġija, u oħrajn, li jikkostitwixxu strutturi ta’ żvilupp konċentrat u integrat, kibret. Fl-Unjoni Ewropea, bħal fil-bqija tad-dinja, l-innovazzjoni u l-kreattività ngħataw attenzjoni partikolari. Dawn l-istrutturi huma rikonoxxuti bħala elementi favorevoli għal ekonomija innovattiva u kompetittiva li fl-istess ħin isostnu l-ħolqien ġdid u l-konsolidazzjoni. |
3.3 |
Il-parks madwar id-dinja jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini tal-missjoni u l-iskala tagħhom. Madankollu, fehim iktar sħiħ tal-varjanti differenti ta’ parks jiddependi mill-identifikazzjoni tal-bżonnijiet, it-twaqqif ta’ prijoritajiet u t-tfassil ta’ ppjanar strateġiku. L-organizzazzjonijiet professjonali taw ħafna definizzjonijiet ta’ x’inhu park. Fost dawn id-definizzjonijiet hemm element komuni li park huwa tip ta’ sħubija pubblika-privata li jħeġġeġ il-flussi tal-għarfien – ħafna drabi bejn il-kumpaniji tal-park u l-universitajiet u fost il-kumpaniji tal-park stess – u li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. |
3.4 |
It-terminu “park tax-xjenza u tat-teknoloġija” sar iħaddan kull tip ta’ cluster ta’ livell tekniku għoli bħal: technopolis, park tax-xjenza, belt tax-xjenza, cyber park, park (industrijali) ta’ livell teknoloġiku għoli, ċentru tal-innovazzjoni, park tar-riċerka u l-iżvilupp, park tar-riċerka universitarja, park tar-riċerka u t-teknoloġija, park tat-teknoloġija, inkubatur tat-teknoloġija, technopark, technopole u inkubatur ta’ intrapriżi tat-teknoloġija. Filwaqt li huma simili f’ħafna aspetti, l-esperjenza turina li hemm differenza bejn inkubatur ta’ intrapriża tat-teknoloġija, park tax-xjenza jew park tar-riċerka, belt tax-xjenza, technopolis u sistema ta’ innovazzjoni reġjonali. |
3.5 |
Huwa rakkomandabbli li ssir distinzjoni bejn il-Parks tax-Xjenza u l-Parks tar-Riċerka. Filwaqt li tal-ewwel hija l-iktar denominazzjoni komuni fl-Ewropa, tal-aħħar tintuża ħafna fl-Istati Uniti u l-Kanada. Fl-Ewropa, il-parks tax-xjenza jeżistu b’mod konġunt mal-parks tat-teknoloġija u d-differenzi prinċipali bejn iż-żewġ kunċetti jirrigwardaw id-daqs jew jekk hijiex permessa l-attività produttiva. B’mod ġenerali, park tax-xjenza għandu tendenza jkun iżgħar fid-daqs, b’rabtiet stretti mal-università u b’inqas enfasi fuq attivitajiet tal-manifattura, filwaqt li park tat-teknoloġija jkun ta’ daqs medju/kbir u jippermetti l-attivitajiet produttivi. Ġeografikalment, il-parks tax-xjenza għandhom tendenza jsegwu l-mudell Ingliż, filwaqt li l-parks tat-teknoloġija jirreferu għal “mudell Mediterranju”, tipiku ta’ pajjiżi bħal Franza, Spanja, l-Italja u l-Portugall. |
3.6 |
Huwa ċar li l-fatturi organizzattivi li essenzjalment ikkontribwew għas-suċċess tal-inizjattivi prinċipali kienu:
|
4. Netwerks, clusters u kollaborazzjoni bejn l-università u l-industrija
4.1 |
It-tiġdid soċjali u ekonomiku joħroġ minn ekosistemi kreattivi ta’ innovazzjoni b’riżultat tal-konnettività prevalenti fl-ekonomija postindustrijali Ewropea. Ikun tajjeb li l-parks jikkooperaw ma’ entitajiet simili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali. |
4.2 |
Il-clusters huma l-aktar eżempji rilevanti ta’ “ekosistemi” li jappoġġjaw il-kompetittività. Il-parks tax-xjenza u t-teknoloġija qed juru li jixprunaw tajjeb l-organizzazzjonijiet tal-clusters. |
4.3 |
L-iżviluppi reċenti fl-ekonomija jenfasizzaw dejjem aktar il-produzzjoni, l-esplojtazzjoni, it-trasferiment u l-applikazzjoni tal-għarfien. Hemm bżonn li jiżviluppaw u jissaħħu l-attivitajiet tan-netwerking bejn l-atturi tas-settur pubbliku, il-komunità tal-kummerċ u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. |
4.4 |
Hemm bżonn ta’ ġestjoni sensittiva f’diversi livelli li tiżgura s-sinerġija bejn id-diversi livelli ta’ gvern – UE, nazzjonali, reġjonali u lokali – u li tinkoraġġixxi s-sħubija bejn in-negozji, l-universitajiet u l-NGOs sabiex ikunu jistgħu jinħolqu kuntatti wiesgħa bejn l-istituzzjonijiet li jiġġeneraw l-għarfien u dawk innovattivi. |
4.5 |
Huwa meħtieġ li l-inċentivi u l-missjonijiet tal-universitajiet, ta’ istituti xjentifiċi oħrajn u ta’ riċerka u tal-Parks tat-teknoloġija, l-industrijali u tax-xjenza (PTIX) jiġu armonizzati biex jinkoraġġixxu modi ġodda ta’ kollaborazzjoni. Il-parks jistgħu jżidu ferm l-attrazzjoni tagħhom billi joffru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet bħat-trasferiment tat-teknoloġija, l-appoġġ fil-qasam tal-privattivi, l-istart-ups u l-ispin-offs, il-ġestjoni ta’ proġetti u l-appoġġ finanzjarju. Kull servizz aċċessibbli fil-PTIX għandhom ikunu aġġornati u ta’ kwalità għolja, b’tali mod li jkun jista’ jsir kontribut ġenwin għall-għamliet ta’ kooperazzjoni meħtieġa. |
4.6 |
Fl-iżvilupp tal-parks, il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet xjentifiċi u b’mod partikolari mal-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka qed issir dejjem iktar importanti. L-istess jgħodd għall-aspetti universitarji u tar-riċerka; madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-kooperazzjoni bejn iċ-ċrieki xjentifiċi u d-dinja tal-kummerċ, li għadha ma laħqitx il-livell mixtieq, hija ta’ problema u s’issa l-kollaborazzjoni bejn il-parks għadha ma laħqitx il-potenzjal tagħha. |
4.7 |
Bħala parti mill-funzjoni tagħhom, il-parks jistgħu jservu bħala pont bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-prestazzjoni u tal-impatt tal-universitajiet, ikun tajjeb li l-impatt tagħhom fuq l-industrija u s-settur ekonomiku jirċievi attenzjoni akbar. Bis-saħħa ta’ miżuri ta’ taħriġ għall-adulti, il-kmamar tal-kummerċ, u l-awtoritajiet reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali fl-università. Il-preżenza ta’ parks tan-negozji tista’ tkun element li jitqies mis-sistema ta’ kriterji għall-ippremjar tal-universitajiet eċċellenti. |
4.8 |
Ir-rwol tal-parks fit-tnaqqis tad-distanza bejn l-università u l-industrija tista’ tkun partikolarment importanti fl-Istati Membri l-ġodda. |
5. Governanza Ewropea, inizjattivi u miżuri operattivi u ta’ kontroll
5.1 |
L-UE teħtieġ aproċċ iktar iffokat u integrat, orjentat lejn is-sostenn u l-iżvilupp tal-PTIX tas-seklu 21. B’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi u l-perijodu ta’ wara l-kriżi, l-UE għandha ssegwi strateġija komprensiva sabiex jinġabru l-benefiċċji potenzjali tal-parks għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. |
5.2 |
Wara l-miri ta’ Lisbona, li ntlaħqu biss parzjalment, u l-lezzjonijiet li nkisbu minn din l-esperjenza, l-inizjattivi għall-perijodu ta’ wara Lisbona għandhom jiġu semplifikati b’mod razzjonali u ffukati fuq għadd limitat ta’ objettivi konkreti li jistgħu jitkejlu u jiġu differenzjati skont il-pajjiż, filwaqt li jsir żvilupp fuq il-potenzjal tal-kapaċitajiet differenti li hemm fil-PTIX. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati b’sens ta’ tmexxija u b’ambizzjoni f’isem l-UE. |
5.3 |
Il-kumpaniji, l-impjiegi, l-għarfien u l-kapaċità ekonomika u innovattiva li hemm fil-PTIX huma l-assi moħbija tal-UE. Nafu li hemm numru kbir minnhom iżda ma għandniex l-istampa globali u lanqas m’ghandna strateġija komuni biex nersqu lejhom u ninvolvuhom. Fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali jeżisti biss għarfien frammentat u miżuri limitati. Għandna ninsistu b’mod partikolari fuq l-importanza tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet professjonali u tas-soċjetà ċivili fil-livell reġjonali jew nazzjonali li huma attivi fil-qasam tal-parks. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw bejniethom u għandhom jingħataw l-inċentiv li l-kollaborazzjoni tagħhom tista’ twassal għall-ħolqien ta’ pjattaforma teknoloġika fil-livell Ewropew. |
5.4 |
Jeħtieġ li l-PTIX jidħlu b’mod integrat fl-ippjanar strateġiku u dak immirat li huma meħtieġa biex tkun tista’ tikseb suċċess id-determinazzjoni qawwija tal-Ewropa li tikber u ssir kompetittiva internazzjonalment permezz ta’ investiment reġjonali qawwi fl-iżvilupp ekonomiku bbażat fuq ix-xjenza. Dawn l-inizjattivi għandhom jidhru b’mod formali fil-pjan Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni, li għandu jikkonferma l-importanza tal-PTIX fil-politika Ewropea tal-innovazzjoni. |
5.5 |
Ikun tajjeb li d-DĠ tal-Kummissjoni jadottaw azzjonijiet orizzontali konġunti biex jippromovu s-sinerġija bejn strumenti differenti, ħalli jsaħħu l-governanza u l-koordinazzjoni bejn il-programmi differenti. Dan l-approċċ għandu jwassal għat-twaqqif ta’ pjattaformi, korpi u gruppi ta’ livell għoli li jneħħu l-ostakli għall-attivitajiet ta’ kofinanzjament u biex ifasslu u jniedu azzjonijiet kofinanzjati. |
5.6 |
Ikun tajjeb li jiġu żviluppati kriterji għall-valutazzjoni, l-analiżi u l-identifikazzjoni tal-parks. Il-valutazzjoni, l-analiżi, u l-istudji empiriċi tat-tqabbil huma meħtieġa biex jagħtu qafas lill-politiki Ewropej u nazzjonali u l-istrumenti relatati mal-ħolqien u t-tkabbir tal-parks li jwassluhom f’livell superjuri. |
5.7 |
Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ trasparenza pubblika, jiġifieri l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ valutazzjoni u għodod li jikkwantifikaw il-benefiċċji netti li jinkisbu mill-appoġġ tas-settur pubbliku. Bħalissa m’hemm l-ebda kunsens dwar il-parametri ta’ suċċess (pereżempju kriterji finanzjarji - investiment, turnover eċċ. – indikaturi ta’ tendenzi ta’ innovazzjoni (start-ups, privattivi, prodotti ġodda). Id-differenzi fit-tipi ta’ park u fil-kuntesti nazzjonali/reġjonali wkoll joħolqu problemi ta’ livelli ta’ referenza. |
5.8 |
Huwa rakkomandat li tiġi appoġġjata l-identifikazzjoni tal-PTIX madwar l-Ewropa fl-għamla ta’ bażi ta’ data komprensiva. Dan jista’ jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn il-parks billi tinħoloq matriċi interkonnessa li tippromovi l-konnettività biex jingħelbu l-ostakli reġjonali għat-tkabbir. |
5.9 |
Parteċipazzjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ hija importanti wkoll għall-għarfien u l-innovazzjoni, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, is-sostenibbiltà u ekonomija li tirrispetta aktar l-ambjent. |
6. Id-dimensjoni reġjonali
6.1 |
Ir-reġjuni għandhom rwol importanti f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien billi jiffukaw fuq l-integrazzjoni tar-R&D u l-innovazzjoni fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom. L-awtoritajiet reġjonali għandhom iħarsu aktar lejn l-innovazzjoni fl-appoġġ li jagħtu lir-ristrutturar tal-ekonomija. |
6.2 |
Għandhom jiġu promossi l-istrateġiji reġjonali tal-innovazzjoni u fuq il-bażi tagħhom, l-iżvilupp ta’ programmi operattivi speċifiċi. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiffukaw fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet lokali billi jistabbilixxu klima ekonomika u politika stabbli u prevedibbli. |
6.3 |
L-aċċess għall-fondi (kapital ta’ riskju, kapital tal-bidu) għall-parks tat-teknoloġija u x-xjenza huwa ostaklu reali u jirrappreżenta restrizzjoni fuq l-iżvilupp sistematiku. L-allokazzjoni adatta tal-fond lokali u reġjonali għandha tikkomplementa b’mod organiku r-riżorsi Ewropej. Hemm bżonn ta’ għarfien espert akbar li jappoġġja l-aċċess għall-kofinanzjament mill-fondi Ewropej. Għandu jiġi żgurat li l-użu tar-riżorsi finanzjarji tal-BEI u tal-FEI jkunu strutturati u li dan isir prattika normali. |
6.4 |
Għall-PTIX, id-disponibbiltà ta’ fondi fuq tul ta’ żmien hija fattur prinċipali għas-suċċess. F’sitwazzjoni ta’ kriżi, huwa importanti ferm li jiġi żgurat li l-parks ikollhom appoġġ finanzjarju u politiku mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-livell tal-UE. |
6.5 |
Hemm bżonn li t-talent jinġibed u jitmexxa peress li jirrappreżenta assi speċjali fid-dawl tal-iżvilupp armonjuż, sostenibbli u fit-tul tar-reġjuni. |
6.6 |
L-eċċellenza fil-ġestjoni tal-parks hi fattur ewlieni fil-garanzija tal-eċċellenza fit-tħaddim tagħhom. It-taħriġ kontinwu u l-iżvilupp professjonali tal-amministraturi huwa importanti biex tinżamm il-kwalità tas-servizz. Għandhom ikunu disponibbli programmi strutturati biex jibnu l-kapaċità meħtieġa għall-organizzazzjonijiet tal-amministraturi tal-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija, u x-xjenza. |
7. Inizjattiva strateġika tal-UE – l-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni
7.1 |
L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (IETI) jimmira li jixpruna l-eċċellenza fl-innovazzjoni Ewropea. L-istitut għandu l-għan li joħloq l-innovazzjoni permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-atturi u “t-trijanglu tal-għarfien”, biex jittrasforma r-riżultati tal-edukazzjoni u l-għarfien f’opportunitajiet ta’ innovazzjoni kummerċjali tanġibbli, jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi madwar l-Unjoni. Il-KESE qed jantiċipa bil-ħerqa dan il-perijodu ġdid fl-UE, u jittama li l-PTIX u l-korpi kwalifikati b’mod adegwat assoċjati magħhom ikunu jistgħu jkunu msieħba u parteċipanti ta’ siwi fil-proġetti organizzati mill-IETI. |
7.2 |
Bħala għodda operattiva, il-“Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni” ntgħażlu fuq bażi strateġika biex jirrispondu għall-isfidi li qed tiffaċċja l-UE, u jindirizzaw l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, l-enerġija rinnovabbli u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tal-ġejjieni. Dawn il-Komunitajiet huma sħubijiet integrati tajjeb bejn l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u n-negozji, li jdaħħlu d-dimensjoni tan-negozju fl-attivitajiet kollha ta’ għarfien biex jiġġeneraw l-innovazzjoni f’oqsma ewlenin ta’ interess ekonomiku u soċjali. |
7.3 |
L-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija joffri wkoll opportunità għall-iżvilupp reġjonali u lokali. Ir-rwol u l-impatt tiegħu jistgħu jkunu importanti billi jipprovdi għarfien espert f’reġjuni fejn dan l-għarfien u din l-esperjenza huma neqsin. Barra minn hekk, ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jibbenefikaw mill-attivitajiet ta’ dan l-Istitut u dawn il-Komunitajiet bis-saħħa tal-effetti li jġibu u billi jiġbdu nies u riżorsi ġodda. |
7.4 |
L-Istitut jirrappreżenta kunċett ġdid ta’ clusters, billi jibni netwerks virtwali flok komunitajiet b’rabta ġeografika. Il-kriżi ekonomika attwali qed turi biċ-ċar kemm l-inizjattiva tat-twaqqif tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija kienet f’waqtha. Għalhekk ikun raġonevoli ħafna li jiġi mistħarreġ il-potenzjal ta’ appoġġ li jeżisti fil-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza tal-UE. |
8. Il-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza u l-kriżi ekonomika – bidliet meħtieġa u fatturi għall-irkupru
8.1 |
Il-kriżi ekonomika affettwat b’mod differenti u bi gradi differenti t-tħaddim tal-PTIX u l-kumpaniji allokati fihom. Il-kumpaniji jistgħu jirreaġixxu għall-kriżi bi tnaqqis fl-attività, tnaqqis fl-impjegati u tnaqqis fl-ispejjeż kif ukoll it-twaqqif ta’ proġetti u investiment. |
8.2 |
Huwa ttamat li l-amministrazzjoni tal-parks tat-teknoloġija, l-innovazzjoni, l-industrija u x-xjenza qed tirreaġixxi b’politika attiva biex iżżomm il-kumpaniji u x-xogħol flimkien ħalli jonqos kemm jista’ l-impatt tal-kriżi billi:
|
8.3 |
Sadattant tista’ tiġi żviluppata wkoll talba għal prodotti u servizzi aktar sofistikati mill-kumpaniji. L-industriji l-ġodda – il-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-aħħar ġenerazzjoni – iġibu magħhom opportunitajiet u sfidi. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-għarfien tal-iżvilupp ta’ fatturi ġodda fil-kompetittività – is-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-valur u r-responsabbiltà soċjali korporattiva – fl-ambjent ekonomiku u l-atmosfera soċjali l-ġodda. |
8.4 |
L-intraprenditorija tingħata enfasi ġdida fiċ-ċirkostanzi attwali u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-parks. In-negozji u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu joffru tmexxija billi jifhmu aktar fil-fond is-sitwazzjoni strateġika. Huwa importanti li l-element kompetittiv tal-parks jiġi identifikat u enfasizzat b’mod adegwat. |
8.5 |
Kemm l-investimenti mis-suq intern, kif ukoll l-investiment barrani dirett (IBD) jaqdu rwol konsiderevoli fl-iżvilupp tal-parks. Għandhom jiġu notati s-sinjali li l-investiment barrani dirett qed jippreferi l-attivitajiet tar-R&D mill-produzzjoni. Il-KESE jappoġġja dan il-proċess u jħeġġeġ li s-setturi prinċipali, definiti sew fil-politika industrijali tal-UE, huma u jsiru parti mill-parks, biex jibbenefikaw mis-sitwazzjoni. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 255, 14.10.2005, p. 1
III Atti preparatorji
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-464 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/142 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika”
(kodifikazzjoni)
COM(2010) 179 finali – 2010/0095 (COD)
2011/C 44/23
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar l-20 ta' Mejju u s-6 ta' Mejju 2010 rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika”
COM(2010) 179 finali – 2010/0095 (COD)
Wara li kkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kollu sodisfaċenti u jħoss li m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, il-Kumitat, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju) iddeċieda b’149 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/143 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008”
COM(2009) 374 finali
2011/C 44/24
Relatur: is-Sur Arno METZLER
Nhar it-23 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008
COM(2009) 374 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’111-il vot favur, vot wieħed kontra u 8 astensjonijiet.
1. Sinteżi u konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ddedikat għall-ewwel darba kapitolu lill-problema tal-konsumaturi fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-kartelli. Jixtieq ifakkar li l-proċedura dwar l-azzjoni kollettiva ġudizzjarja għadha ma ġietx implimentata. Barra minn hekk, għandhom jiġu enfasizzati l-impatt u l-importanza tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-antitrust għall-oqsma l-oħra tas-soċjetà ċivili u ekonomika Ewropea. Dwar dan għandu jsir rapport fil-futur.
1.2 Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex, meta jiġu rkuprati l-għajnuna mill-Istat u l-garanziji tal-Istat, jerġgħu jinħolqu u jiġu applikati kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni fis-swieq Ewropej kollha. Il-KESE huwa konvint li dan huwa essenzjali għall-affidabbiltà u l-kredibbiltà tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni.
1.3 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tidħol għal aktar impenji u impenji akbar sabiex tiffamiljarizza liċ-ċittadini Ewropej ma' dawn l-aspetti tal-ħidma tagħha billi ssaħħaħ il-komunikazzjoni tagħha.
1.4 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tispjega jekk, fid-dawl tal-esperjenzi tagħha fil-qafas tal-għajnuna ta' emerġenza għall-ekonomija finanzjarja u reali bħala għajnuna statali – li ngħatat minħabba l-kriżi – hijiex qed tippjana bidliet fir-regolamenti u l-linji gwida attwali u sa liema punt. Minn dan il-Kumitat jixtieq ikun jaf ukoll x’pożizzjoni ser tadotta fil-futur il-Kummissjoni rigward l-għajnuna mill-Istat għall-industriji ewlenin (l-industrija tal-karozzi, eċċ.).
Fil-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-globalizzazzjoni.
1.5 Il-KESE jenfasizza l-fehma tiegħu li esprima fl-opinjoni dwar ir-rapport tal-2007 li l-Kummissjoni għandha tpoġġi l-attenzjoni tagħha fuq l-importanza tad-dumping soċjali u n-nuqqas ta' konformità mal-liġi tax-xogħol, u għandha tagħmel rapporti dwar ir-riżultati. Dan għandu jkun punt essenzjali partikolari fil-qasam tat-trasport.
2. Kontenut tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2008
2.1 Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2008 jpoġġi enfasi partikolari fuq il-kartelli u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju tal-kartell tal-banana kif ukoll tal-ħġieġ tal-karozzi, (il-proċedimenti saru fl-2008), biex turi l-impatt negattiv tal-kartelli tal-produtturi fuq il-konsumaturi u l-prezzijiet li dawn iħallsu, kif ukoll fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni tas-setturi partikolari.
Il-Kummissjoni wriet li s-sett ta' strumenti tal-programm ta' klemenza ħadem. Il-possibbiltà l-ġdida li titqies il-kooperazzjoni fl-iskoperta tal-kartelli bħala raġuni għat-tbaxxija tal-multi għandha impatt pożittiv fuq il-ħidma u s-suċċessi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wriet kif l-għoti ta' multi akbar jappoġġja l-effett preventiv ġenerali tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ.
2.2 Fl-2008, il-Kummissjoni ssoktat bl-approċċ deċiżiv tagħha kontra l-kartelli. Tat multa lil 34 intrapriża f’seba’ każi ta' kartelli, b’ammont totali ta' EUR 2 271 biljun.
Fl-2008, il-Kummissjoni għamlet stima tad-danni. Ikkonċentrat fuq 18-il kartell li bejn l-2005 u l-2007 kienu s-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hi żiedet il-prezz tal-produzzjoni tal-oġġetti tal-parteċipanti f’kartell b’bejn 5 % u 15 %, u stmat li d-danni kkawżati minn dawn il-kartelli jammontaw għal bejn EUR 4 biljuni u EUR 11 biljun.
Skont l-istimi tal-awtorità Ingliża tal-kompetizzjoni, l-Office of Fair Trading (OFT), għal kull kartell li jiġi skopert hemm ħamsa oħra li jistgħu ma jifformawx jew li jiġu abbandunati qabel ma jiġu skoperti. Dan jissuġġerixxi li t-18-il deċiżjoni rigward il-kartelli li ttieħdu bejn l-2005 u l-2007, inkluż l-effett dissważiv tagħhom, jista’ jkun li pprevenew danni addizzjonali għall-konsumaturi li jammontaw għal madwar EUR 60 biljun.
3. Strumenti
3.1 Antitrust – L-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE
3.1.1 Fit-2 ta' April 2008, il-Kummissjoni adottat il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust. Minħabba l-istrument ta' azzjonijiet individwali kontra min jikser il-liġi tal-antitrust, din il-White Paper kienet proġett diskuss ħafna tal-Kummissjoni tal-UE dwar il-liġi tal-antitrust u l-kompetizzjoni. Il-KESE saħaq li huwa favur il-ħolqien ta' strument Komunitarju li jarmonizza ċerti aspetti tal-azzjonijiet individwali u dawk kollettivi għad-danni kkawżati mill-ksur tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni introduċiet proċedura ssemplifikata (“settlement”) għall-ġlieda kontra l-kartelli. Il-pakkett għar-riżolviment, magħmul minn regolamenti u komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2008. B’hekk, il-multa tal-parteċipanti raġonevoli f’kartelli, li wara li jinfetħu l-proċedimenti u jingħata aċċess għad-dokumenti “jammettu” l-involviment tagħhom f’kartell, tista’ titnaqqas b’10 %. Din hija semplifikazzjoni tassew.
3.1.2 Fl-2008, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida dwar il-prijoritajiet tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 għall-każi ta' tfixkil inġust tal-kompetituri minn intrapriżi dominanti. Hawnhekk il-Kummissjoni ppreżentat il-qafas analitku li, hi u tieħu d-deċiżjonijiet, jippermettilha tifhem u tispjega l-proċess tad-danni għall-konsumatur.
3.1.3 Fl-2008 nbdiet, jew tkompliet, ir-reviżjoni tar-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija applikabbli għall-ftehimiet vertikali, ir-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija fil-qasam tal-vetturi bil-mutur, u r-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija fil-qasam tal-assigurazzjoni.
3.1.4
3.1.4.1 Fl-2008, il-Kummissjoni pprojbixxiet lill-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u l-Kompożituri li tkompli l-prattiki restrittivi permezz ta' ftehimiet esklużivi fil-ftehimiet reċiproċi tagħha u b’hekk tapplika restrizzjonijiet nazzjonali.
3.1.4.2 Il-Kummissjoni ħadet azzjoni wkoll b’rabta mal-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti, billi tat multa definittiva ta' EUR 899 miljun lill-kumpanija Microsoft. L-azzjoni legali li nbdiet sadanittant quddiem il-qorti tlestiet f’Diċembru 2009.
3.2 Miżuri tal-Istat għall-intrapriżi pubbliċi jew intrapriżi bi drittijiet esklużivi u speċjali
3.2.1 Skont l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar l-UE, anke s-settur pubbliku huwa soġġett għall-politika Ewropea tal-kompetizzjoni.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tat il-fehma tagħha permezz ta' deċiżjonijiet dwar il-monopolju tal-posta u tas-settur tal-enerġija.
3.3 Kontroll tal-konċentrazzjoni u sorveljanza tal-azzjonijiet korrettivi
3.3.1
F’Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni ġdida u regolament ta' implimentazzjoni dwar dan is-suġġett. L-għan ta' dawn iż-żewġ dokumenti huwa li jittejjeb il-ħarsien tal-konsumatur f’dan is-settur u jonqsu l-prezzijiet, pereżempju billi jkun hemm eżiġenzi aktar stretti b’rabta mal-informazzjoni u billi tiġi sistematizzata l-informazzjoni li tingħata mal-prodott.
3.3.2
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-mezzi u l-miżuri użati għall-ħarsien tal-konsumatur. Anke hawnhekk, in-numru ta' proġetti rappurtati lill-Kummissjoni fl-2008, jiġifieri 347 (fużjoni u każ ta' kooperazzjoni), kien għoli ħafna. Il-Kummissjoni ħarġet 340 deċiżjoni definittiva.
3.4 Kontroll tal-għajnuna mill-Istat, żvilupp tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni
3.4.1 Fl-2008, il-Kummissjoni esprimiet l-akbar pressjoni għall-bidla u l-akbar ħtieġa ta' bidla f’dan il-qasam. Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, hi ssoktat bl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Ġew ippubblikati tliet komunikazzjonijiet dwar ir-rwol tal-politika tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriżi u tal-proċess ta' rkupru.
3.4.2 Rigward l-iżvilupp ġenerali tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat, kif kienet ħabbret, pjan ta' implimentazzjoni għar-regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.
3.4.3 Il-komunikazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat f’forma ta' garanziji (Ġurnal Uffiċjali C 155, 20.6.2007 u Ġurnal Uffiċjali C 244, 25.9.2008) jistabbilixxu kif għandhom jiġu kkalkulati l-elementi tal-għajnuna ta' garanzija u jipprevedu regoli ssemplifikati għall-SMEs.
3.4.4 Fl-2008, il-Kummissjoni kompliet taħdem ukoll biex ittejjeb l-infurzar u l-kontroll tal-konformità mad-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Permezz tal-pubblikazzjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-irkupru kif ukoll tal-infurzar effettiv u immedjat tagħhom, ippruvat turi b’mod ċar li hija trid u tista’ tillimita l-impatt tal-għajnuna mill-Istat.
Kif tħabbar fil-pjan ta' azzjoni korrispondenti, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti – f’ħames każi taħt l-Artikolu 88(2) u fi tmien każi taħt l-Artikolu 228(2) tat-Trattat dwar l-UE – kontra l-Istati Membri li ma infurzawx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni dwar l-irkupru.
3.4.5 It-tabella ta' valutazzjoni għall-għajnuna mill-Istat fl-2008 turi li l-Istati Membri tal-UE jaqblu max-xewqa tal-Kummissjoni li l-għajnuna mill-Istat tintuża b’mod aktar immirat. 80 % tal-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri fl-2007 kellhom objettivi orizzontali.
3.4.6 Rigward il-qafas Komunitarju għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, id-DĠ Kompetizzjoni indirizza l-aspett tal-għajnuna mill-Istat (88 każ).
Fil-qasam tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju għall-SMEs, il-Kummissjoni approvat 18-il skema ta' kapital ta' riskju skont il-Linji Gwida dwar il-Kapital ta' Riskju.
4. Żviluppi settorjali
4.1 L-enerġija u l-ambjent
Il-Kummissjoni ressqet kunsiderazzjonijiet dwar il-konċentrazzjoni fil-qasam tal-enerġija u dwar l-aspetti tal-politika ambjentali relatati mat-tibdil fil-klima fil-promozzjoni ta' bidla fil-produzzjoni tal-enerġija lejn proċessi li jemettu inqas CO2. Il-Kunsill tal-Enerġija adotta kompromess fl-10 ta' Ottubru.
L-investigazzjonijiet tal-kartelli f’dan il-qasam jiffokaw fuq it-tfixkil inġust tal-kompetituri, l-isfruttament abbużiv u l-kollużjonijiet. It-trasport tal-enerġija għall-fornituri l-ġodda, b’mod partikolari, qed ikun dejjem is-suġġett ta' proċedimenti korrispondenti fi kważi l-Istati Membri tal-UE kollha.
4.2 Is-servizzi finanzjarji
4.2.1 L-għajnuna mogħtija lis-settur finanzjarju fl-2008 kkawżat interventi sinifikanti fil-kompetizzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji.
F’dan is-settur, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat flimkien mal-Istati Membri.
4.2.2 Il-Kummissjoni fasslet linji gwida għall-miżuri statali. Sadanittant, il-Kummissjoni kkunsidrat miżuri adatti għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u stabbilixxiet numru minimu ta' miżuri għall-ġlieda kontra d-distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni. Fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet ġew approvati miżuri konkreti, bħall-iskemi tal-garanziji, l-għajnuniet individwali mill-Istat u l-għajnuniet għal-likwidità, għal aktar minn 16-il pajjiż tal-Komunità Ewropea u bosta istituzzjonijiet f’dawn il-pajjiżi.
4.2.3 Il-Kummissjoni temmen li aġixxiet malajr sabiex terġa’ tibni l-fiduċja fis-swieq.
4.2.4 Permezz tal-miżuri tagħha, hi wriet li l-liġi tal-kompetizzjoni hija strument effettiv għall-ġlieda kontra l-kriżi.
4.3 L-istrumenti għall-ekonomija reali
4.3.1 Għall-intrapriżi tal-“ekonomija reali”, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuniet mill-Istat, garanziji għall-kreditu, krediti sussidjati u għajnuniet għall-kapital ta' riskju.
Ġiet issemplifikata l-prova tal-falliment ta' suq bħala prerekwiżit għall-approvazzjoni tal-assigurazzjonijiet għall-kreditu tal-esportazzjoni.
4.4 Il-komunikazzjoni elettronika
4.4.1 F’dan il-qasam, il-Kummissjoni ħadmet favur it-trasformazzjoni tal-monopolji nazzjonali fi swieq determinati mill-kompetizzjoni. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007 turi l-impatt tagħha. Fl-2008, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali waslu għall-konklużjoni li l-ispeċifiċitajiet nazzjonali mhumiex ostaklu.
4.4.2 Fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni ġew konklużi jew kważi konklużi proċeduri kbar. Ir-rapport tal-Kummissjoni jitkellem dwar it-tranżizzjoni mix-xandir analogu għal dak diġitali u dwar il-kummenti kritiċi fuq l-għajnuna mill-Istat għax-xandara pubbliċi.
4.5 It-trasport
4.5.1 F’dan il-qasam, il-Kummissjoni ssemmi kemm il-proċedimenti rigward it-trasport bil-ferrovija u dak multimodali kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi tal-ferroviji, il-kontroll tal-fużjonijiet (mergers) u d-deċiżjonijiet dwar il-promozzjoni tat-trasport bil-ferrovija fit-trasport multimodali. Għat-trasport marittimu, il-Kummissjoni ssemmi l-prospetti li jiġi konkluż il-proċess ta' riforma tar-regoli tal-kompetizzjoni. Bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trasport bl-ajru, is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali huma s-suġġett ta' attivitajiet speċifiċi f’dan il-qasam ukoll.
Hija mistennija aktar konċentrazzjoni f’dan il-qasam.
4.5.2 Ir-rapport ma jikkummentax dwar il-konformità mal-istandards soċjali għall-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport.
4.6 L-industrija farmaċewtika
4.6.1 F’dan il-qasam il-Kummissjoni aġixxiet fuq il-bażi tal-informazzjoni u s-sinjali. Eżaminat b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-mediċina ġenerika fis-suq, u b’mod ġenerali nnotat tnaqqis fl-innovazzjoni.
Ġew investigati aktar minn 100 intrapriża u l-kampjuni ta' 219-il molekola kimika.
Il-Kummissjoni nnotat li l-introduzzjoni ta' privattiva Komunitarja unika u ta' ġurisdizzjoni unika għall-privattivi tista’ tkun tajba għall-kapaċità tal-innovazjoni f’dan il-qasam. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni, il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, tal-ipprezzar u tar-rimborż, li huma differenti fil-pajjiżi individwali, għandhom jiġu ssemplifikati.
4.7 L-ikel
4.7.1 Ma ġiet innotata l-ebda tendenza lejn il-konsolidazzjoni fil-qasam tal-ikel u f’oqsma oħra tal-provvista. Il-Kummissjoni ppubblikat żewġ Komunikazzjonijiet dwar il-prezzijiet tal-ikel (COM(2008) 321 finali u COM(2008) 821 finali) li jikkonfermaw dan.
5. Unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur
5.1 Fl-2008, id-DĠ Kompetizzjoni ħoloq l-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur. Din twassal l-informazzjoni biex il-konsumatur jifhem aħjar is-swieq, u tirċievi l-informazzjoni u s-sejbiet dwar il-fallimenti tas-swieq. L-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur ikkonsultat b’suċċess lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u pparteċipat fid-dibattitu mal-KESE fil-kuntest tat-tħejjija ta' opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “Id-demokrazija ekonomika fis-suq intern”, bit-tama li din il-kollaborazzjoni titkompla, sabiex l-għan aħħari tal-politika tal-kompetizzjoni jkun il-benesseri tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-valuri tas-soċjetà ċivili.
6. Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni u qrati fl-Istati Membri
6.1 Fl-2008, il-kooperazzjoni fin-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u d-Direttorat Ġenerali tal-UE ħadmet mingħajr problemi, u l-Kummissjoni tikkunsidraha bħala suċċess.
6.2 L-istess japplika għall-ħidma u l-kooperazzjoni mal-qrati.
7. Attivitajiet internazzjonali
7.1 Il-Kummissjoni tirrapporta li fl-2008 ħadmet flimkien maċ-Ċina u l-Korea fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali. Hija attiva fl-OECD kif ukoll fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni.
8. Koperazzjoni interistituzzjonali
8.1 Id-DĠ Kompetizzjoni jenfasizza l-kuntatti eċċellenti tiegħu mal-PE, mal-Kunsill u mal-KESE.
9. Pożizzjoni tal-KESE
9.1 Ħarsien tal-konsumatur
9.1.1 Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li d-DĠ Kompetizzjoni poġġa aktar enfasi fuq il-kwistjonijiet tal-konsumatur, b’referenza partikolari għall-pubblikazzjoni tal-White Paper tiegħu dwar l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust, li l-KESE appoġġa. Minkejja dan, huwa ta' dispjaċir li aktar minn sentejn wara, il-mekkaniżmu għal azzjoni kollettiva ġudizzjarja għall-ħarsien tal-konsumatur li l-White Paper tirreferi għalih u li għalih il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu f’għadd ta' opinjonijiet, għadu ma twettaqx.
9.1.2 Fil-fehma tal-Kumitat, l-enfasi fuq il-kooperazzjoni mal-ħarsien tal-konsumatur – jekk dawn l-attivitajiet jitkomplew mingħajr limitazzjonijiet – m’għandhiex teskludi l-ħsieb u l-qofol tal-ħidma, jiġifieri li l-liġi tal-antitrust għandha tkopri wkoll aspetti oħra minbarra l-ħarsien tal-konsumatur, bħal pereżempju:
— |
tiżgura l-aċċess għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; |
— |
tiżgura li l-istrutturi ħielsa u demokratiċi ma jkunux mhedda mill-poter ekonomiku (“wisq kbar biex ifallu”, “too big to fail”); |
— |
tiżgura li ma jkunx hemm pożizzjonijiet dominanti fil-livell ta' sistema jew ta' settur; |
— |
tipproteġi l-istrutturi tal-SMEs. |
9.2 Għajnuna statali
9.2.1 Il-Kumitat jappoġġa l-isforzi biex jiġu ssorveljati l-Istati Membri meta jkunu qed jirkupraw il-krediti u l-garanziji bil-għan li jerġgħu jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni.
9.2.2 Mir-rapporti speċifiċi dwar il-proċedimenti individwali fil-qafas tal-ħolqien ta' miżuri għat-tranżazzjoni fil-proċedimenti tal-antitrust, il-KESE qed jara li bis-sett il-ġdid ta' strumenti l-Kummissjoni kisbet riżultati tajbin. Għaldaqstant jemmen li l-liġi proċedurali, b’mod partikolari, għandha dejjem tiġi adattata għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu.
9.2.3 Fis-settur finanzjarju, il-kredibbiltà tal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea ser tiġi ttestjata matul l-għexieren ta' snin li ġejjin. Għadhom ma reġgħux ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni. Hawnhekk l-azzjoni tal-Kummissjoni ser tiddetermina l-fiduċja taċ-ċittadin Ewropew fil-leġislazzjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej.
9.2.4 Meta tkun qed tissorvelja l-għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet relatati magħha, il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba tara li fis-settur finanzjarju r-rikapitalizzazzjoni tal-banek tibqa’ marbuta mal-istabbiliment mill-ġdid tal-funzjonalità tal-flussi finanzjarji u tal-mekkaniżmi tal-għoti tal-krediti. Il-piż tal-baġits pubbliċi huwa ġġustifikat biss meta r-rwol tal-benefiċjarji jiġi appoġġjat b’mod sostenibbli fil-qafas tal-ekonomija reali.
9.3 Il-Kummissjoni hija mitluba tispjega jekk, u sa liema punt, l-approċċ tagħha fuq il-bażi ta' każ każ u l-kunsiderazzjoni tal-opportunitajiet politiċi fl-għoti tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju jfissrux li l-Kummissjoni qed titbiegħed għal perijodu twil ta' żmien mill-prinċipji u r-regoli li applikat s’issa, u jekk fil-futur l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 107 (2A3) hux ser tkun miftuħa wkoll għal industriji ewlenin oħra, bħal pereżempju għas-suq tax-xogħol (industrija tal-karozzi).
9.4 Servizzi ta' interess ġenerali
9.4.1 Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni maħsuba biex l-arranġamenti fil-qasam tas-servizzi tal-elettriku, il-gass, it-telefon u t-trasport ikunu ta' benefiċċju għall-konsumatur.
9.5 Trasport
9.5.1 Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi tal-Komunità Ewropea.
Fir-rigward tar-rapport tal-2007, il-Kumitat innota li f’dan is-settur il-konformità mad-dispożizzjonijiet soċjali tinkludi aspett marbut mal-kompetizzjoni.
9.5.2 Il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil dan l-aspett fl-interess tal-ħaddiema fil-qasam tat-trasport. Fil-qasam tat-trasport Ewropew għadha teżisti differenza bejn l-istandards soċjali u dan joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni Ewropea għandha topponi b’mod aktar qawwi lill-Istati Membri.
9.6 Komunikazzjoni elettronika u l-mezzi tax-xandir
9.6.1 Il-KESE jaħseb li kemm l-interessi tal-konsumatur kif ukoll dawk tad-demokrazija, tat-trasparenza u tal-libertà tal-espressjoni tas-soċjetà ċivili lkoll huma affettwati.
Bħala objettivi, dawn għandhom jiġu kkunsidrati aktar.
9.7 Unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur
9.7.1 Il-Kumitat jilqa’ t-twaqqif u t-tħaddim tal-unità għall-komunikazzjoni mal-konsumatur, u jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha.
9.8 Netwerk Ewropew u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
9.8.1 Il-KESE jinnota li n-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni qed jiffunzjona – kemm bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll bejn il-qrati.
9.8.2 Fil-fehma tal-KESE, l-importanza internazzjonali tal-liġi tal-kompetizzjoni għadha mhix rikonoxxuta b’mod suffiċjenti.
9.8.3 Fl-Opinjoni fuq ir-rapport tal-2007 dwar il-kompetizzjoni, il-KESE diġà esprima ruħu b’mod ċar rigward ir-rilevanza għal-liġi tal-kompetizzjoni tad-dumping soċjali, in-nuqqas ta' konformità mal-liġi tax-xogħol kif ukoll in-nuqqas ta' konformità mal-liġi dwar il-ħarsien tal-ambjent. Fl-istess ħin, ħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ rapport dwar dawn il-kwistjonijiet. Dan għadu ma sarx u hemm bżonn li jsir.
9.8.4 Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-politika tal-industrija u tal-kompetizzjoni.
9.9 Kompetizzjoni u globalizzazzjoni
9.9.1 Il-KESE huwa favur li fl-assessjar tal-kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni jitqiesu wkoll l-aspetti tal-globalizzazzjoni, jiġifieri l-linji gwida tal-GATT u d-WTO.
9.9.2 Skont il-KESE, ir-rapport dwar il-kompetizzjoni tal-2008 jonqos milli jindirizza l-effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li jħalli l-fatt li Stat ikollu holdings finanzjarji, anke barra mill-UE. Barra minn hekk, l-effett tal-akkwist ta' intrapriżi Ewropej permezz tal-fondi ta' Stati oħra – anke barra mill-UE – u r-realizzazzjoni tal-interesi statali strateġiċi permezz tal-akkwist tal-ishma huma preokkupanti.
10. Kompetizzjoni u dritt tal-awtur
10.1 Għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti tal-kompetizzjoni b’rabta mad-dritt tal-awtur.
10.2 Il-kummerċ ġust u l-kummerċ ħieles huma possibbli biss f’ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-awtur. Anke l-liġi tal-kompetizzjoni hija arma effettiva f’dan il-qasam, u għalhekk huwa rakkomandat li l-Kummissjoni tikkunsidraha.
11. Kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej oħra
11.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jisħaq li huwa dejjem disponibbli.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/148 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni”
COM(2009) 154 finali – 2009/0157 (COD)
2011/C 44/25
Relatur: is-Sur CAPPELLINI
Nhar l-20 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni
COM(2009) 154 finali – 2009/0157 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (sessjoni tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’119-il vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat jilqa’ l-proposta attwali tal-Kummissjoni iżda juri li din ftit li xejn tissodisfa l-aspettattivi mqajma mill-Green Paper u ħafna inqas il-proposti magħmula mill-KESE fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2005.
1.2 Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Proposta għal Regolament (PR) hija għodda importanti għas-soċjetà ċivili biex tiżdied il-prevedibbiltà legali u biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet rapidi u effettivi mil-lat ta’ nfiq għal suċċessjonijiet internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li hemm bżonn li l-verżjonijiet differenti tat-test skont il-lingwa għandhom jiġu riveduti, u jiġi assigurat li huma konsistenti u ntużat it-terminoloġija legali korretta.
1.3 Il-Kumitat jesprimi xi tħassib, b’mod partikolari dwar ir-rwol tal-liġi ta’ stati li mhumiex membri tal-UE u dwar xi elementi taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni. Dan it-tħassib qed jiġi ttrattat minn rakkomandazzjoni għal Artikolu 26 ġdid u terminu itwal fl-Artikolu 43, paragrafu 2. Analiżi u preżentazzjoni iktar fil-fond ta’ dan id-dokument kumpless, li huwa l-PR, jirrikjedu dokument itwal ta’ ħidma, li jmur lil hinn mill-istandards tas-soltu tal-KESE.
1.4 Il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li l-bidliet li ġejjin jiġu adottati fil-PR:
i. |
daħħal “Dawn ir-regoli differenti jfixklu u jdewmu ukoll l-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà tal-eredi leġittimu fuq il-proprjetà tal-mejjet” u “Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri ma tkunx biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi kollha tal-PR” fil-punt 1.2 u l-punt 3.2 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-PR (ara 3.4.3 u 3.4.4); |
ii. |
daħħal fl-Artikolu 1, paragrafu 1 il-kjarifika li l-PR japplika biss għas-suċċessjonijiet “ta’ natura internazzjonali” (ara 4.1.1); |
iii. |
issostitwixxi l-kelma “oħrajn” bil-kelma “addizzjonali” jew “oħrajn minbarra” fl-Artikolu 21, paragrafu 1 fil-lingwi kollha (ara 4.3.8); |
iv. |
issostitwixxi l-Artikolu 25 b’Artikolu ġdid: “Applikazzjoni universali: Dan ir-Regolament jispeċifika l-liġi applikabbli anke jekk din mhix il-liġi ta’ Stat Membru” (ara 4.3.9); |
v. |
issostitwixxi l-Artikolu 26 (Titolu “Renvoi”, u li jinbidel fil-verżjoni Ingliża) b’artikolu ġdid: “Jekk il-mejjet ma għażilx liġi skont l-Artikolu 17 u l-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament hija l-liġi ta’ Stat li mhux membru tal-UE u r-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet jispeċifikaw bħala applikabbli l-liġi, jew ta’ Stat Membru tal-UE, jew ta’ Stat ieħor li mhux membru tal-UE li japplika l-liġi tiegħu, tapplika l-liġi ta’ dan l-Istat l-ieħor. Dan l-Artikolu ma japplikax għal patti ta’ suċċessjoni li l-fatturi ta’ konnessjoni tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 18, paragrafu 2, huma l-liġi li għandha l-aktar rabtiet mill-qrib”. ara 4.3.10.1); |
vi. |
daħħal fl-Artikolu 27 il-kelma “manifestament” qabel “inkompatibbli” fil-lingwi kollha (din ma tapplikax għall-verżjoni Maltija), u l-kelma “internazzjonali” wara “politika pubblika” għallinqas fil-verżjoni Franċiża u Taljana (ara 4.3.11); |
vii. |
issostitwixxi “l-modalitajiet tagħha” bit-terminu “d-dispożizzjonijiet tagħha” fl-Artikolu 27, paragrafu 2 fil-lingwi kollha (ara 4.3.12); |
viii. |
estendi l-perijodi ta’ żmien fl-Artikolu 43, paragrafu 2 għal 9 jew 12-il xahar (ara 4.6.1). |
2. Kuntest
2.1 Il-proposta tittratta suġġett kumpless li huwa importanti għal kwalunkwe persuna li għandha r-residenza abitwali tagħha (b’xi estensjonijiet f’Artikolu 6), fl-Unjoni Ewropea irrispettivament min-nazzjonalità tagħha. Green Paper dwar suċċessjonijiet u testmenti (1) fetħet konsultazzjoni wiesgħa fir-rigward tas-suċċessjonijiet ab intestat jew testamentarji li fihom aspetti internazzjonali.
2.2 L-importanza prattika tal-PR bħala strument uniformi li jistabbilixxi standards tirriżulta mill-varjetà attwali li l-Istati Membri tal-UE jippreżentaw fir-regoli legali tagħhom fir-rigward ta’:
a) |
id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli; |
b) |
l-ambitu tal-ġurisdizzjoni tat-tribunali tagħhom dwar testmenti internazzjonali u każijiet ta’ suċċessjoni; |
c) |
il-kondizzjonijiet fejn sentenza li tingħata fi Stat Membru ieħor tal-UE tista’ tiġi rikonoxxuta u infurzata; u |
d) |
il-kondizzjonijiet fejn strumenti awtentiċi mfassla fi Stat Membru ieħor tal-UE jistgħu jiġu rikonoxxuti u infurzati. |
2.3 Għal finijiet ta’ ċarezza, il-PR għandha l-għan li tipprovdi skema uniformi għal dawn ir-regoli, li kollha jappartjenu għal-liġi internazzjonali privata u jagħmlu r-riżultat tat-testmenti u s-suċċessjonijiet internazzjonali dipendenti fuq il-liġi li hija applikabbli għalihom skont il-kunflitt speċifiku tar-regoli tal-liġi (inklużi fil-PR) tal-forum (Stat Membru tal-UE). B’mod oppost, il-PR mhijiex maħsuba li jkollha fiha nnifisha xi effett fuq il-liġi sostantiva interna tal-Istati Membri tal-UE li tirregola l-istatus, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-eredi fir-rigward tal-proprjetà (jew art) tal-mejjet. Barra minn hekk, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni stabbilit fil-Kapitlu VI mhuwiex eċċezzjoni iżda jikkonċerna l-evidenza tal-istatus u ma jipprovdi l-ebda dispożizzjoni sostantiva interna u uniformi tal-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb dan l-istatus. B’mod aktar ġenerali, minbarra din il-PR, il-liġi sostantiva interna ma tidħolx fil-kompetenza mogħtija skont l-Artikolu 65 b tat-Trattat.
3. Kummenti Ġenerali
3.1 Fl-Opinjoni (2) tiegħu dwar il-Green Paper dwar suċċessjonijiet u testmenti, il-KESE, fost affarijiet oħra:
a) |
laqa’ l-Green Paper peress li din tqajjem kwistjonijiet fundamentali u ta’ ċerta urġenza; |
b) |
ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal kwistjonijiet fiskali li l-eredi jistgħu jiffaċċjaw meta jkun hemm artijiet f’żewġ pajjiżi jew iktar; u |
c) |
esprima apertament l-interess tiegħu billi qal li huwa jikkunsidra l-kwistjoni tat-testmenti u s-suċċessjonijiet bħala waħda ta’ interess kbir għaċ-ċittadini tal-Ewropa.; ix-xewqat tagħhom għal semplifikazzjoni tal-formalitajiet, ċertezza legali u fiskali akbar, u riżoluzzjoni aktar rapida ta’ suċċessjonijiet internazzjonali, li dawn jistennew minn inizjattiva Komunitarja, m’għandhomx jiġu diżappuntati. |
3.2 Din id-dikjarazzjoni ta’ interess tal-KESE għall-kwistjoni tat-testmenti u s-suċċessjonijiet, li ġiet iddikjarata bħala waħda ta’ interess kbir għaċ-ċittadini tal-Ewropa, għandha tiġi aġġornata, erba’ snin mill-analiżi tal-Green Paper, fir-rigward tal-istruttura u d-dispożizzjonijiet konkreti proposti mill-Kummissjoni fil-PR tagħha.
3.3 Il-potenzjal u l-partijiet interessati ta’ din il-PR
3.3.1 Ta’ min wieħed jinnota li, fl-Opinjoni (3) tiegħu, il-KESE stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-kwistjonijiet fiskali u esprima interess dwar ċertezza fiskali ikbar. Madankollu, minħabba l-ambitu tal-PR, u skont il-kompetenza ristretta mogħtija mill-Artikolu 65 tat-Trattat, il-PR tindirizza l-aspetti tal-liġi internazzjonali privata tat-testmenti u s-suċċessjonijiet, u m’għandhiex l-għan li jkollha effett dirett fuq il-liġi tal-Istati Membri relatata mal-aspetti fiskali tat-testmenti u s-suċċessjonijiet internazzjonali.
3.3.2 Peress li t-testmenti, meta jkun hemm, isiru qabel il-mewt u jistgħu jiġu revokati mit-testatur sa dak iż-żmien, u peress li r-regoli dwar is-suċċessjoni japplikaw eżatt wara l-mewt, kemm it-testmenti kif ukoll is-suċċessjonijiet huma effettivi u joperaw legalment mhux qabel il-mewt, u jirregolaw il-konsegwenzi patrimonjali tagħha. Għalhekk il-PR tikkonċerna lil kwalunkwe persuna, u lil kwalunkwe kategorija ta’ partijiet interessati mis-soċjetà ċivili.
3.3.3 Madankollu, sabiex ikun hemm ċarezza fir-rigward tal-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha, ta’ min wieħed jinnota li l-PR:
a) |
tapplika biss għal dawk it-testmenti u s-suċċessjonijiet li huma ta’ natura internazzjonali – din tal-aħħar mhijiex definita fil-PR – u mhux għas-suċċessjonijiet ħafna iktar numerużi ta’ natura purament nazzjonali; u |
b) |
tapplika għal individwi, jiġifieri persuni naturali, iżda mhux għall-entitajiet legali bħalma huma l-korporazzjonijiet. |
3.4 L-għanijiet u l-prinċipju tas-sussidjarjetà
3.4.1 Ċertament, in-natura uniformi u vinkolanti ta’ Regolament tal-UE fuq l-Istati Membri tal-UE, il-leġislazzjoni u l-qrati interni tagħha, tispjega l-fatt li l-PR se żżid b’mod sostanzjali l-prevedibbiltà legali dwar is-suġġetti kollha li din tirregola. Dan l-effett jirrappreżenta l-valur miżjud dirett tal-PR. L-iżgurar tal-kwalità u l-abbozzar preċiż tad-dispożizzjonijiet tagħha huwa prijorità.
3.4.2 L-għan iddikjarat “li trażżan ix-xkiel kollu għall-moviment liberu tal-persuni” m’għandux iwassal biex jiġi injorat il-fatt li, jekk individwu għandux l-istatus ta’ “eredi” jew le u jekk għandux “drittijiet” legali jew le fuq il-proprjetà tal-mejjet fi Stat Membru tal-UE huma kwistjonijiet li għandhom jitwieġbu mhux minn dispożizzjonijiet internazzjonali privati (li huwa s-suġġett tal-PR), iżda mid-dispożizzjonijiet sostantivi relevanti tal-liġi interna applikabbli. Il-PR ma timplika l-ebda tibdil f’dan ir-rigward peress li ma tagħmilx dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi uniformi. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-memorandu ta’ spjegazzjoni għandha tiġi riveduta u, fejn meħtieġ, emendata. Il-KESE jtenni t-talba li kien għamel dwar il-pożizzjonijiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka, jiġifieri li dawn l-Istati Membri għandhom jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jimplimentaw dan ir-regolament.
3.4.3 B’din il-kwistjoni ċċarata, il-punt 1.2 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jinkludi dikjarazzjoni preċiża (“Għaldaqstant, dawn il-persuni huma llum ikkonfrontati minn diffikultajiet sostanzjali biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni internazzjonali”) u konklużjoni inqas konvinċenti u ambizzjuża li testendi għad-dritt tal-proprjetà (“Dawn ir-regoli differenti jfixklu wkoll l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt għal proprjetà privata”). Termini inqas b’saħħithom bħal “Dawn ir-regoli differenti jfixklu u jdewmu ukoll l-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà tal-eredi leġittimu fuq il-proprjetà tal-mejjet” ikunu aktar preċiżi u adatti.
3.4.4 Fid-dikjarazzjoni “Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri għalhekk tmur kontra dan l-għan”, it-terminu “tmur kontra” qed jiġi enfasizzat iżżejjed. Minkejja r-Regolament, l-Istati Membri tal-UE, jekk ikunu jridu, jistgħu jippruvaw għallinqas jiksbu l-objettiv ta’ determinazzjoni uniformi tal-liġi applikabbli billi jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar is-Suċċessjoni tal-Aja tal-1989. Il-KESE huwa tal-fehma li jkunu aktar adatti termini inqas b’saħħithom bħal “Azzjoni unilaterali mill-Istati Membri ma tkunx biżżejjed biex jinkisbu l-objettivi kollha tal-PR”.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Kapitolu I: Ambitu u definizzjonijiet
4.1.1 Il-PR hija maħsuba biex tkopri testmenti u suċċessjonijiet ta’ natura internazzjonali, iżda ma tipprovdi l-ebda tifsira ta’ din in-natura. Għal finijiet ta’ ċarezza, għandha tiġi inkluża referenza li l-PR tapplika biss għal “sitwazzjonijiet ta’ natura internazzjonali”.
4.1.2 Kif jidher fit-titolu, il-PR tkopri kemm il-ġuriżdizzjoni (Kapitolu II) kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet (Kapitolu IV), jiġifieri dawk iż-żewġ fergħat tal-liġi internazzjonali privata li, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar il-liġi applikabbli, huma soġġetti għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Nru 44/2001”) li jeskludi mill-ambitu tiegħu it-testmenti u s-suċċessjonijiet. Dan in-nuqqas jispjega l-importanza tad-deċiżjoni meħuda biex il-PR tkopri t-tliet fergħat tal-liġi internazzjonali privata, jiġifieri l-liġi applikabbli, il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, dwar is-suċċessjonijiet internazzjonali, u biex tipprovdi regoli uniformi għalihom.
4.2 Kapitolu II Ġuriżdizzjoni
4.2.1 Il-Kapitolu II (Artikoli 3–15) huwa dwar il-ġuriżdizzjoni u japplika fil-qrati kollha tal-Istati Membri, u għall-awtoritajiet mhux ġudizzjarji biss meta dan huwa neċessarju.
4.2.2 Tingħata ġuriżdizzjoni ġenerali lill-qrati tal-Istat Membru fit-territorju fejn il-mejjet kellu r-residenza abitwali tiegħu meta miet. Evidentement, m’hemmx kundizzjoni dwar in-nazzjonalità. Għandu jiġi osservat li anke l-iskema ġenerali tal-UE dwar il-ġuriżdizzjoni, jew lex generalis, li hija r-Regolament (KE) Nru 44/2001, tagħti ġuriżdizzjoni ġenerali fuq il-bażi tar-residenza, u tħalli apparti kwalunkwe konsiderazzjoni tan-nazzjonalità.
Din il-ġuriżdizzjoni ġenerali taħt il-PR tapplika għaċ-ċittadini tal-UE (mejta) kif ukoll għal ċittadini mhux tal-UE, jekk kellhom ir-residenza abitwali tagħhom meta mietu fi Stat Membru tal-UE.
4.2.3 F’każi fejn ir-residenza abitwali tal-mejjet fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom madankollu “ġuriżdizzjoni reżidwa” f’numru ta’ każi, li testendi l-ġuriżdizzjoni tat-tribunali tal-Istati Membri tal-UE lil hinn mill-każ sempliċi fejn ir-residenza abitwali tal-mejjet fil-mument tal-mewt tkun tinsab fi Stat Membru. In-nazzjonalità mhix kondizzjoni għall-iskop tal-ġuriżdizzjoni ġenerali, iżda issir bażi għal ġuriżdizzjoni reżidwa.
4.2.4 Il-qrati fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà m’għandhom l-ebda ġuriżdizzjoni ġenerali mill-fatt innifsu skont il-PR. Teżisti eċċezzjoni parzjali fir-rigward tat-trażmissjoni tal-proprjetà, ir-reġistrar tagħha jew it-trasferiment fir-reġistru pubbliku.
4.3 Kapitolu III Liġi applikabbli
4.3.1 Il-Kapitolu III jipprovdi regoli uniformi (Artikoli 16-28) taħt il-liġi applikabbli. Ir-regola ġenerali hija li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha hija dik tal-Istat li fih il-mejjet kellu r-residenza abitwali tiegħu meta miet. Ma tapplika l-ebda kondizzjoni oħra, bħal pereżempju dik tan-nazzjonalità. Ma teżisti l-ebda distinzjoni bejn proprjetà mobbli u immobbli.
4.3.2 Għandu jiġi nnotat li r-regoli dwar il-kunflitti bejn il-liġijiet tal-PR, li għandhom jiġu applikati mill-qrati tal-Istati Membri tal-UE, jispeċifikaw il-liġi applikabbli irrispettivament minn jekk l-Istat tal-liġi applikabbli huwiex Stat Membru tal-UE jew le (Art. 25).
4.3.3 Tradizzjonalment, il-liġi internazzjonali privata tirrikonoxxi “l-awtonomija tal-partijiet”, fi kliem ieħor il-possibbiltà għall-partijiet biex jagħżlu kwalunkwe liġi applikabbli fi kwistjonijiet kuntrattwali. Skont il-PR, persuna tista’ tagħżel il-liġi li tirregola s-suċċessjoni kollha tagħha, iżda tista’ tagħżel biss il-liġi tal-Istat li għandha ċ-ċittadinanza tiegħu.
4.3.4 Minħabba l-previdibbiltà legali, din l-għażla għandha tkun waħda espressa u inkluża f’dikjarazzjoni li tkun fil-forma ta’ dispożizzjoni causa mortis.
4.3.5 Suġġett differenti, li m’għandux jiġi konfuż mal-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni kollha kemm hi, huwa “Patti ta’ suċċessjoni”. Patt li jirrigwarda s-suċċessjoni ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi li, bis-saħħa ta’ din il-PR, kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni ta’ din il-persuna fil-każ tal-mewt tagħha dakinhar li l-ftehim ġie konkluż. Għandhom jintużaw fatturi oħra ta’ konessjoni skont ir-regola ta’ favor validitatis.
4.3.6 Mil-lat ta’ liġi komparattiva u uniformi, kwistjoni importanti ħafna hija l-kamp tal-liġi applikabbli. Il-PR testendi l-kamp tal-liġi applikabbli sabiex tirregola s-suċċessjoni kollha, mill-ftuħ tagħha sat-trażmissjoni definittiva tal-wirt lill-aventi kawża. L-intenzjoni hija b’mod ċar biex tinkludi kemm jista’ jkun kwistjonijiet legali taħt liġi applikabbli waħda u unika, bil-għan li tiżdied il-previdibbiltà tal-liġi u titnaqqas il-konsultazzjoni kumplessa u li tieħu l-ħin ta’ aktar minn liġi (ta’ spiss barranija) waħda. Il-PR toffri lista twila u mhux limitata ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu regolati mil-liġi applikabbli, u għalhekk hemm inkluż ukoll kwistjonijiet mhux elenkati tas-suċċessjoni, mill-ftuħ tagħha sat-trażmissjoni definittiva tal-wirt lill-aventi kawża.
4.3.7 Il-liġi applikabbli tirregola s-suċċessjoni kollha kemm hi, mill-ftuħ tagħha sat-trażmissjoni definittiva tal-wirt lill-aventi kawża, iżda ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru tal-post fejn tinsab il-proprjetà safejn din il-liġi, għall-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni jew ta’ legat jew għar-rinunzja għalihom, tippreskrivi formalitajiet oħrajn minbarra dawk preskritti mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.
4.3.8 Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, huwa rrakkomandat li jiġi verifikat jekk fl-Artikolu 21, paragrafu 1, fil-parti tas-sentenza “formalitajiet oħrajn minbarra dawk”, l-espressjoni “oħrajn minbarra” (fi kliem ieħor li jseħħu wara) hiex korretta, jew jekk l-intenzjoni kinitx pjuttost li jkun hemm it-tifsira “addizzjonali” jew “supplimentari”. Huwa suġġerit li “addizzjonali” jew “supplimentari” ikunu preferibbli fil-kuntest tad-dispożizzjoni.
4.3.9 Il-KESE huwa tal-fehma li t-terminoloġija użata fid-dispożizzjoni dwar “Applikazzjoni universali” (Art. 25) għandha tirrifletti b’mod ċar biss dak li l-Kapitolu III tar-Regolament futur fil-fatt jagħmel: jispeċifika liġi applikabbli. Terminoloġija eħfef u preferuta għalhekk tkun “Applikazzjoni universali: Dan ir-Regolament jispeċifika l-liġi applikabbli anke jekk din mhix il-liġi ta’ Stat Membru”.
4.3.10 Jekk titwarrab l-għażla tal-liġi nazzjonali tiegħu mill-mejjet (Art. 17), ir-Regolament ġeneralment japplika l-liġi tal-forum, il-qorti tal-Istat Membru tal-UE li fih il-mejjet kellu r-residenza abitwali tiegħu meta miet. Madankollu, skont il-ġuriżdizzjoni reżidwa (Art. 6), tista’ tapplika liġi ta’ Stat li mhux membru tal-UE. F’każi bħal dawn, hemm bżonn li jiġi evitat li r-Regolament ma jħassarx l-unità tal-fatturi konnessi li jistgħu jkunu jeżistu diġà f’xi Stati li mhumiex membri tal-UE (unità li hija ta’ benefiċċju għal xi mejjet u l-eredi tiegħu) u jagħtu kompetenza lil sistema legali nazzjonali li ma titqiesx, mil-lat tagħha, bħala applikabbli għal suċċessjoni speċifika. Sabiex jiġi assigurat dan il-bżonn u għal koordinazzjoni aħjar u bbilanċjata bejn l-Istati Membri tal-UE u dawk li mhumiex, huwa rrakkomandat li l-Artikolu 26 attwali (jinżamm it-titlu attwali “Renvoi”, u li jinbidel fil-verżjoni Ingliża) jinbidel bid-dispożizzjoni segwenti:
4.3.10.1 |
“Jekk il-mejjet ma għażilx liġi skont l-Artikolu 17 u l-liġi applikabbli skont dan ir-Regolament hija l-liġi ta’ Stat li mhux membru tal-UE u r-regoli dwar il-kunflitt bejn il-liġijiet jispeċifikaw bħala applikabbli l-liġi, jew ta’ Stat Membru tal-UE, jew ta’ Stat ieħor li mhux membru tal-UE li japplika l-liġi tiegħu, tapplika l-liġi ta’ dan l-Istat l-ieħor. Dan l-Artikolu ma japplikax għal patti ta’ suċċessjoni li l-fatturi ta’ konnessjonii tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 18, paragrafu 2, huma l-liġi li għandha l-aktar rabtiet mill-qrib”. |
4.3.10.2 |
Din id-dispożizzjoni l-ġdida tadatta għar-Regolament (4) u tipprova ttejjeb (5) dispożizzjoni simili li nżammet fil-Konvenzjoni tal-Aja dwar is-Suċċessjoni għall-istess raġunijiet, fi kliem ieħor “peress li l-maġġoranza tad-delegazzjonijiet (…) irrikonoxxew ix-xewqa li ma tiġix distrutta l-unità fejn diġà teżisti” (6). Barra minn hekk, il-flessibbiltà li tagħti din id-dispożizzjoni (Art. 26 ġdid) hija konformi mal-liġi u l-prattika dwar “renvoi” f’xi Stati li mhumiex membri tal-UE, bħal pereżempju l-Istati Uniti tal-Amerka (7). L-esklużjoni radikali ta’ kwalunkwe dispożizzjoni fuq ir-“renvoi” fir-Regolamenti “Rome I” u “Rome II” sempliċiment tirrifletti l-fatt li s-suġġett tagħhom (obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali) huwa differenti ħafna mill-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni. Esklużjoni bħal din f’Rome I u II mhix argument serju fih innifsu biex jiġi eskluż l-Artikolu 26 ġdid irrakkomandat hawn fuq, li huwa importanti u ta’ benefiċċju fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni kemm għal mejjet u għall-eredi tiegħu, kif ukoll għal koordinazzjoni aktar ibbilanċjata tal-fatturi ta’ konnessjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati li mhumiex. |
4.3.11 Id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 27 dwar il-politika pubblika huma tradizzjonali iżda fl-istess ħin kruċjali. Skont użu pjuttost standardizzat, huwa rrakkomandat li qabel “inkompatibbli mal-politika …” tiddaħħal “manifestament”, u dan fil-lingwi kollha tar-Regolament, (din ma tapplikax għall-verżjoni Maltija) u “internazzjonali” tiddaħħal wara “politika pubblika” għallinqas fil-verżjoni Franċiża u Taljana (u fejn hu xieraq, fil-lingwi l-oħra). Innovattiva, utli u speċifikament adattata għall-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni hija l-esklużjoni ta’ dan id-dispożitif “minħabba l-unika raġuni li l-modalitajiet tagħha dwar is-sehem riżervat tal-wirt huma differenti minn dawk fis-seħħ fil-forum”.
4.3.12 Il-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 27, paragrafu 2 (“its clauses regarding”) mhiex identika għall-verżjoni Franċiża (“ses modalités concernant”). Huwa rrakkomandat li tintuża l-frażi “id-dispożizzjonijiet tagħha” (dwar eċċ.) fil-lingwi kollha tar-Regolament.
4.4 Kapitolu IV Rikonoxximent u eżekuzzjoni
4.4.1 Fuq il-mudell tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, il-Kapitolu IV tal-PR jinkludi l-Artikoli 29-33 dwar ir-rikonoxximent.
4.4.2 Semplifikazzjoni tas-suċċessjonijiet internazzjonali fl-Ewropa tirriżulta mill-prinċipju li deċiżjoni li tingħata fi Stat Membru tal-UE skont il-PR hija rikonoxxuta fi Stati Membri oħra, mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali.
4.4.3 Id-deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru mhijiex soġġetta għal reviżjoni dwar il-bażi tagħha fl-Istat Membru fejn qiegħed jitfittex ir-rikonoxximent, u mhix rikonoxxuta biss f’erba’ każi.
4.5 Kapitolu V Atti awtentiċi
4.5.1 Semplifikazzjoni sostanzjali addizzjonali tas-suċċessjonijiet internazzjonali ser tirriżulta mill-fatt li l-atti awtentiċi mħejjija jew reġistrati formalment fi Stat Membru, li huma komuni fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, huma rikonoxxuti skont il-PR fl-Istati Membri l-oħra.
4.6 Kapitolu VI Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni
4.6.1 Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni introdott mill-PR jikkostitwixxi prova tal-istat ta’ eredi, ta’ legatarju u tas-setgħat tal-eżekuturi testamentarji jew tal-amministraturi terzi. Huwa rrakkomandat li l-perijodu ta’ żmien jiġi estiż għal 9 jew 12-il xhar fl-Artikolu 43, paragrafu 2.
4.6.2 Il-mudell tal-formola ta’ applikazzjoni għandu jiġi ssemplifikat u titneħħa kull informazzjoni mhux neċessara mitluba fil-punt 4.7.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2005) 65 finali.
(2) ĠU C 28, 3.2.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) ĠU C 28, 3.2.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) B’hekk tiġi estiża l-użu ta’ “renvoi” mill-Istati li mhumiex membri tal-UE għal dawk li huma.
(5) Billi tiġi eskluża l-azzjoni tagħha mhux biss fil-każ ta’ professio iuris (Art. 17) iżda wkoll fir-rigward tal-fatturi ta’ konnessjoni ta’ natura u metodoloġija differenti (klawżoli ta’ eċċezzjoni, bħal-liġi li għandha l-aktar rabtiet mill-qrib skont l-Artikolu 18, paragrafu 2).
(6) Waters Report, p.553, Proceedings of the Sixteenth Session, 3 to 20 October 1988, T.II, Hague Conference of Private International Law, 1990. Artikolu 4, Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet causa mortis. (1 August 1989). Ukoll, P.Lagarde, La nouvelle Convention de la Haye sur la loi applicable aux successions, RCDIP 1989, p.249 (258).
(7) Fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tal-Aja, E. F. Scoles, The Hague Convention on Succession, AJCL 1994 p. 85 (113).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/153 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): l-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali”
COM(2009) 589 finali
2011/C 44/26
Relatur: is-Sur IOZIA
Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali
COM (2009) 589 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14. u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’135 vot favur u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jispera li l-proposti u l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha jwasslu għal deċiżjonijiet operattivi, finanzjamenti u politiki koerenti min-naħa tal-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet. |
1.2 |
Il-KESE minn dejjem kien favur il-proposti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika spazjali, waħda mill-prijoritajiet teknoloġiċi li għandha tiġi żviluppata ħafna aktar. L-użu reponsabbli u sostenibbli tal-ispazju b’għanijiet ċivili u paċifiċi huwa strument utli ta' żvilupp. |
1.3 |
Ir-riċerka spazjali inġenerali, u l-GMES b’mod partikulari, jagħmlu parti mill-“ekonomija ekoloġika ġdida”. L-iżvilupp tal-applikazzjonijiet fl-oqsma tal-agrikoltura, tal-ġestjoni tat-tibdil fil-klima, tal-eżattezza tat-tbassir tat-temp u tal-ġestjoni tat-territorju huwa l-bażi ta' mudell ġdid, li jqis l-iżvilupp sostenibbli bħala prijorità tal-innovazzjoni u r-riċerka teknoloġika. |
1.4 |
Il-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' indikazzjonijiet dwar il-perijodu li fih għandu jiġi applikat il-programm. Il-KESE jemmen li dan il-programm għandu jiskadi mill-inqas fl-aħħar tal-2030, u jiġu previsti wkoll il-funzjonijiet fundamentali għas-snin ta' wara. |
1.5 |
Il-KESE jemmen li r-riżorsi finanzjarji mhumiex biżżejjed kemm għax ma jqisux l-andament tal-prezzijiet tal-komponenti teknoloġiċi tas-satelliti Sentinel kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' baġit allokat għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp, b’mod partikulari għall-ħtieġa li tinġabar id-data fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-sigurtà. Hemm bżonn mill-inqas bejn EUR 700 u 800 miljun oħra għall-perijodu 2014–2020 sabiex jiġu ssodisfati dawn il-bżonnijiet. L-ispejjeż tat-tnedija żdiedu b’mod konsiderevoli, bħalma żdiedu dawk tal-apparati elettroniċi. |
1.6 |
Il-“ħolma spazjali” li kellhom ġenerazzjonijiet sħaħ trid terġa’ tiġi mnedija permezz ta' programmi ambizzjużi. Għandu jerġa’ jitqanqal l-interess fostiż-żgħażagħ għall-istudji tal-ispazju, jiġu offruti prospetti stabbli ta' impjieg, b’enfasi fuq il-valur soċjali għoli ta' proġetti bħall-GMES, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jgħinu l-attività umana u għalhekk jikkontribwixxu biex jiġu antiċipati fenomeni estremi bħall-għargħar u perijodi twal ta' nixfa. Il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ħżiena fl-atmosfera jippermetti, pereżempju, li tiġi verifikata l-effikaċja tal-azzjonijiet adottati biex jitnaqqas is-CO2 jew biex jittieħdu l-miżuri adegwati f’każ ta' ksur tal-liġijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin, b’koordinazzjoni mal-attivitajiet tal-Frontex. |
1.7 |
Il-GMES jista’ jagħti kontribut deċiżiv għall-politika ta' ġestjoni tal-iskart, billi jidentifika siti illegali u t-tixrid ta' sustanzi tossiċi. Huwa essenzjali li l-programm spazjali GMES jittratta wkoll l-iskart “spazjali”, jiġifieri li jinġabru mill-ispazju l-istazzjonijiet li m’għadhomx jintużaw u s-satelliti li m’għadhomx jittrasmettu informazzjoni. Il-programm tal-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar is-sorveljanza fl-ispazju, flimkien mas-sistema Ġermaniża TIRA, jista’ jikkontribwixxi biex in-numru kbir ta' skart spazjali ikun ikontrollat. Mill-1957 ’l hawn, ġew illanċjati aktar minn 5 000 satellita u attwalment tiġi llanċjata waħda kull jumejn. |
1.8 |
Fil-fehma tal-KESE, l-effett ġenerattiv pożittiv ta' programm b’tul ta' żmien adegwat jista’ jiġġenera lieva utli u sigura għas-sehem dirett tal-intrapriżi pubbliċi u privati tas-settur ikkonċernat, li jippermettilhom jippjanaw l-investimenti tagħhom għall-iżvilupp ta' teknoloġiji li jipproduċu sistemi ta' ditekters dejjem aktar effiċjenti mill-perspettiva ta' spejjeż u prestazzjoni. Il-kapaċità li jinġibdu investimenti privati u li jinħoloq suq tas-servizzi ser tkun fundamentali għas-suċċess tal-attività kollha. |
1.9 |
L-Istati Membri li mhumiex attivi u li għadhom ’il bogħod minn politika spazjali jistgħu jsibu l-garanzija li jeħtieġu sabiex iniedu l-inizjattivi tagħhom fid-dawl taċ-ċertezza tal-kontinwità tal-programmi Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis id-deċiżjoni li ttieħdet fi Frar 2010 li jinħoloq il-Bord tal-Imsieħba tal-GMES bil-preżenza attiva tas-27 Stat Membru bħala pass pożittiv sabiex jinkiseb bilanċ ġdid tal-għarfien u l-impenn fid-dinja tal-politika spazjali. Dan il-korp għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
1.10 |
Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta' programm fuq perijodu fit-tul għandha tipprovdi l-mezz biex l-UE tingħata aktar saħħa u piż politiku fil-konfront ta' partijiet oħra tad-dinja li illum qegħdin joperaw fis-settur spazjali, u tista’ sservi ta' fattur pożittiv fin-negozjati bil-għan li jinkiseb il-kontribut finanzjarju meħtieġ li jista’ jinħoloq mill-aċċess għall-programmi u għar-riżultati tal-missjonijiet mhux ikkontrollati mill-UE. |
1.11 |
Il-GMES huwa kapaċi jagħti kontribut importanti ħafna f’diversi setturi kruċjali, bħall-oċeanografija, il-kontroll tal-kwalità tal-arja, il-provvista ta' mapep preċiżi relatati mal-użu tal-art, jew il-provvista rapida ta' mapep taż-żoni milqutin minn diżastri naturali, u b’hekk jiġi pprovdut appoġġ essenzjali lill-protezzjoni ċivili. |
1.12 |
F’din il-fażi ta' kriżi ekonomika profonda, il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed riżorsi ma tistax, fil-fehma tal-KESE, tikkostitwixxi element li jnaqqas l-investiment, iżda għall-kuntrarju, jekk ir-riżorsi disponibbli jiġu mobilizzati kemm jista’ jkun u bl-appoġġ tal-opinjoni pubblika li tkun infurmata bil-potenzjal kollu, il-programm GMES jista’ jgħin iwaqqaf il-kriżi permezz ta' ġabra estensiva ta' potenzjal xjentifiku u produttiv, bl-effetti ġenerattivi pożittivi konsegwenti li jistgħu jerġgħu jagħtu lill-UE l-pożizzjoni tat-tmexxija fis-settur li llum jidher li qed titlef. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Id-deċiżjoni tal-UE li tattrezza ruħha b’sistema integrata ta' osservazzjoni tad-dinja biex tipprovdi informazzjoni u servizzi fl-oqsma tal-ambjent u s-sigurtà, imsejħa Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), hija għażla strateġika li tippermetti li l-UE żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha ta' tmexxija fil-qasam tal-attivitajiet ċivili ajruspazjali. |
2.2 |
Skont il-linji gwida tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2001, l-inizjattiva GMES għandha l-għan li torbot il-bżonnijiet tas-soċjetà fir-rigward tal-ambjent u s-sigurtà mal-kapaċitajiet tekniċi u operattivi avvanzati offruti mis-sistemi ta' osservazzjoni terrestri u spazjali. Din tissodisfa l-bżonn li jiġi garantit aċċess rapidu għall-informazzjoni ambjentali fil-livell globali, reġjonali u lokali, mingħajr ma tiġi pperikolata l-awtonomija f’dawn is-setturi: żvilupp sostenibbli, tibdil fil-klima fuq livell globali, politika ta' difiża u ta' sigurtà komuni, iż-żona Ewropea tar-riċerka u l-istrateġija Ewropea għall-ispazju. |
2.3 |
Is-sistema hija bbażata fuq l-analiżi ta' data relatata mal-osservazzjoni tad-dinja pprovduta mis-satelliti u netwerks ta' monitoraġġ in situ. Ladarba tiġi analizzata u kkoordinata, din id-data tkun disponibbli għall-utenti finali: l-awtoritajiet u l-aġenziji nazzjonali, reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijiet ambjentali u ta' protezzjoni ċivili, eċċ. Il-GMES hija inizjattiva promossa u mħaddma bi sħab mill-Unjoni Ewropea (UE) u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Fil-kuntest ta' din l-inizjattiva, l-ESA tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-iżvilupp tal-komponent spazjali u l-UE taġixxi bħala promotur u aggregatur tad-domanda. |
2.4 |
Il-programm GMES huwa maqsum fi tliet partijiet: il-komponent spazjali, il-komponent in situ u l-komponent tas-servizzi, li dwaru l-Kummissjoni ħarġet Proposta għal Regolament u li min-naħa tiegħu l-KESE ħejja opinjoni dwarha (1). |
2.5 |
Fost it-tliet komponenti, il-komponent spazjali huwa bil-bosta l-aktar li jqum il-flus u jiddetermina l-kwalità u l-kwantità tas-servizzi li jistgħu jiġu offruti. Jinkludi 6 serje ta' missjonijiet ta' osservazzjoni tad-dinja Sentinel, li 5 minnhom huma ffinanzjati, li għandhom jitnedew mill-2012 ’il quddiem. Dak kollu li jikkonċerna s-segment spazjali huwa kkontrollat, ikkoordinat u implimentat mill-ESA: mhux biss il-kuntratti mal-industriji għall-iżvilupp tas-satelliti u tal-infrastruttura meħtieġa, iżda wkoll il-ġestjoni tal-proġetti pilota li qed jitħaddmu f’din il-fażi u li ser jiġu vvalutati għall-applikazzjonijiet futuri. |
3. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
3.1 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kumissjoni tagħti rendikont ta' dak li wettqet s’issa għall-komponenti tas-servizzi u dawk in situ, li diġà taw riżultati tajba bl-użu tal-infrastrutturi spazjali eżistenti, b’mod partikulari fil-missjonijiet Eumetsat u ESA u fil-missjonijiet nazzjonali. |
3.2 |
Il-bażijiet tal-arkitettura tas-sistema tpoġġew fl-2008, b’mod partikulari l-ħtiġijiet finanzjarji u l-politiki baġitarji relatati. Biex il-proġett jitwettaq, hemm bżonn li jiġu allokati r-riżorsi neċessarji fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriannwali li jmiss tal-Unjoni. L-ESA tbassar spiża ta' madwar EUR 4,23 biljuni matul il-perijodu 2014–2020 (2). |
3.3 |
Id-dokument janalizza xi aspetti kruċjali tal-politika spazjali Ewropea, li fiha l-GMES jirrappreżenta, flimkien mal-programmi Ewropej GNSS (EGNOS u Galileo), element fundamentali. |
3.4 |
Il-Kummissjoni tindika l-prijoritajiet ta' finanzjament għat-tlestija u l-iżvilupp tas-Sentinels 1, 2 u 3, il-kontinwità u l-aċċessibilità tad-data u fl-aħħar, il-bżonn li jitneħħew ir-riservi tal-Istati Membri fuq kemm ser idum biex jitlesta l-proġett, li s’issa huwa ppjanat li jdum sal-2020. |
3.5 |
Skont il-Kummissjoni, hemm bżonn ta' regolament dwar il-proprjetà tad-data sabiex ikun hemm politika ta' aċċess sħiħ u garantit. Tiġi indirizzata wkoll it-tema tal-proprjetà tal-infrastruttura u tal-ġestjoni tagħha. |
3.6 |
Parti kbira mid-dokument hija dwar il-politika tal-akkwist, li għandha tassigura b’mod effettiv kemm l-effiċjenza f’termini ta' spejjeż kif ukoll il-kontinwità tad-disponibbiltà tad-data. |
3.7 |
Il-kooperazzjoni internazzjonali hija element importanti tal-programm GMES kollu. F’dan il-kuntest, din tirrappreżenta l-kontribut Komunitarju għall-programm GEOSS ta' osservazzjoni globali tad-dinja. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa aktar skambji u sħubijiet fi ħdan il-Kumitat dwar is-Satelliti ta' Osservazzjoni tad-Dinja (CEOS) li għandu responsabbiltà partikulari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-effetti tat-tibdil fil-klima. |
3.8 |
Fil-konklużjonijiet, il-Kummissjoni tagħti sinteżi tad-dokument u timpenja ruħha li ssegwi mill-qrib it-tlestija tal-programm u l-aġġornament kontinwu tiegħu skont id-domanda tal-utenti. |
4. Kummenti tal-Kumitat
4.1 |
Il-KESE jqis il-politika spazjali bħala waħda mill-prijoritajiet teknoloġiċi li għandha tiġi żviluppata b’mod aktar intensiv u għalhekk bi pjaċir jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jispera li l-proposti u l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha jwasslu għal deċiżjonijiet operattivi, finanzjamenti u politiki koerenti min-naħa tal-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet. |
4.2 |
Filwaqt li jagħti opinjoni pożittiva, il-Kumitat jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni relatat man-nuqqas ta' ċarezza min-naħa tal-Istati Membri rigward l-iskadenza applikata għall-programm GMES. Iqis li huwa indispensabbli li jagħtu appoġġ ċar lil programm li fil-preżent għandu jiskadi fl-2030, iżda li fil-verità għandu jipprevedi l-possibbiltà li jibqa’ jħaddem il-funzjonijiet bażiċi tiegħu anke wara l-2030. |
4.3 |
Huwa wkoll essenzjali li s-settur tal-intrapriżi jkun jista’ jippjana l-investimenti għal perijodu suffiċjenti u jiżviluppa t-teknoloġiji biex jikseb sistemi ta' ditekters dejjem aktar effiċjenti mil-lat ta' spejjeż kif ukoll ta' kwalità ta' prestazzjoni. |
4.4 |
Il-Kumitat iqis bħala insuffiċjenti d-dħul ta' EUR 4 biljuni, fuq il-bażi tax-xenarju fuq medda twila ta' żmien tal-ESA. Il-madwar EUR 600 miljun fis-sena fil-fatt ma jqisux l-andament tal-prezzijiet tal-komponenti teknoloġiċi għall-kostellazzjoni tas-satelliti Sentinel. L-ammont riżervat għar-riċerka u l-iżvilupp ukoll jidher insuffiċjenti, b’mod partikulari dak li jirrigwardja l-ħtiġiet għall-ġbir ta' data sinjifikanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-sigurtà. |
4.5 |
Waqt li japprova bi sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni, il-Kumitat jitlob li jittieħdu passi akbar ’il quddiem fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji neċessarji – minn tal-inqas hemm bżonn ta' EUR 700-800 miljun aktar għall-2014/2020, it-tressiq għall-2030 tal-iskadenza tal-proġett, il-ftuħ tas-suq spazjali għall-Istati Membri kollha, regolament ċar u miftuħ fir-rigward tal-politika ta' aċċess għad-data, koordinazzjoni stretta bejn il-partijiet interessati kollha fil-proġett, u fl-aħħar, tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-proġett. |
4.6 |
Il-Kummissjoni stess issemmi l-bżonn ta' aktar investimenti fil-qasam tas-sigurtà u f’Komunikazzjoni (3) reċenti tagħha tfakkar li saret stedina, fl-ambitu tas-7 Programm Qafas (bit-tema tal-ispazju) biex jitressqu proposti għall-iżvilupp ta' servizzi GMES preoperattivi mmirati għas-sorveljanza marittima. Hemm bżonn ta' approċċ integrat li juża l-istrumenti kollha disponibbli sabiex jitħares l-ambjent, l-ibħra u l-kosti tagħna jiġu protetti mit-traffiku illegali u jiġu salvati l-persuni li jafdaw ruħhom f’organizzazzjonijiet kriminali mingħajr skrupli. |
4.7 |
F’dan il-kuntest, hemm bżonn ta' aktar riżorsi biex jiġu sostnuti kemm il-programmi ta' taħriġ kontinwu tal-operaturi tas-settur kif ukoll il-proġetti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jistudjaw l-ispazju u l-applikazzjonijiet possibbli tiegħu. Fl-aħħar snin, anke minħabba n-nuqqas ta' attenzjoni pubblika għat-tema, l-interess fl-inġenerija ajruspazjali naqas, b’nuqqas akbar fin-numru ta' studenti li jsegwu u jiggradwaw f’din id-dixxiplina. Qiegħed jibda jidher in-nuqqas ta' tekniċi u għalhekk hemm bżonn ta' politika speċifika biex dawk interessati jiġu ggwidati lejn dawn l-istudji. Wieħed mill-akbar raġunijiet għan-nuqqas ta' studenti f’dawn id-dixxiplini jirrigwardja l-prospetti ta' impjieg, li ma jidhrux siguri u dejjiema. |
4.8 |
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex tassumi direttament is-sjieda tas-sistema u, għalhekk, ir-responsabbiltà tal-ġestjoni. L-għażla ta' aċċess miftuħ, kontinwu u ħieles tidher bħala adegwata u meqjusa tajjeb, bil-kundizzjoni jiġu implimentati l-garanziji tas-sigurtà permezz ta' regolament speċifiku. L-aċċess garantit jista’ joħloq il-kundizzjonijiet sabiex iqanqlu l-interess tal-investituri privati biex joffru s-servizzi. Il-bidu ta' suq relatat mas-sistema GMES, apparti li jirrappreżenta opportunità ekonomika u servizz lill-pubbliku, jista’ jippermetti l-kondiviżjoni ta' xi spejjeż ta' ġestjoni tas-servizzi terrestri. |
4.9 |
L-għażla tal-arkitettura tas-sistema ser tkun essenzjali għall-ġestjoni korretta tad-data. L-isfruttament kummerċjali għandu dejjem jinkludi kontribut għall-ispejjeż, wara perijodu ta' adattar tas-suq, bħalma attwalment qiegħed jiġri għal xi servizzi web, li s’issa kienu b’xejn iżda li bil-mod il-mod qegħdin jintroduċu miżata għall-utenti. Fil-prinċipju, id-data għall-amministrazzjonijiet pubbliċi għandha tkun b’xejn u aċċessibbli, b’firxa ta' pjattaformi skont l-esiġenzi ta' kunfidenzjalità u sikurezza. Reċentement, ingħata bidu għal applikazzjonijiet importanti tal-monitoraġġ tas-satellita. Is-satelliti altimetriċi tal-programm My Ocean identifikaw ir-repetizzjoni tal-fenomenu ta' El Niño tal-2009; il-programm MACC (Monitoring Atmosphere Composition and Climate), parti integrali tas-servizz GMES, ipprovda l-informazzjoni għal simulazzjonijiet dwar it-tifrix tas-sħaba vulkanika Islandiża; servizz ieħor tal-programm GMES, is-SAFER (Services and Applications For Emergency Responses), għandu l-għan li jipprovdi mapep iddettaljati fi żmien 6 sigħat mid-diżastri naturali: terremoti, għargħar u ċ-ċediment tal-art, li jistgħu jkunu importanti ħafna għall-ħidma tal-protezzjoni ċivili. G-MOSAIC (Pilot service for security) ser jissorvelja t-territorju għal raġunijiet ta' sikurezza, mis-sorveljanza tal-impjanti nukleari, għar-rotot ta' immigrazzjoni klandestina, għas-sorveljanza tal-fruntieri, sal-analiżi tad-danni u l-ħtiġijiet ikkawżati mill-gwerer. |
4.10 |
Il-politika ta' akkwist teħtieġ attenzjoni partikulari. Il-prinċipji tal-Ismall Business Act għandhom jiġu applikati dejjem fil-proċeduri ta' akkwisti pubbliċi, partikularment dawk Komunitarji. Hemm bżonn ta' politika serja ta' appoġġ lill-SMEs, b’mod partikulari lil dawk fil-pajjiżi li għad m’għandhomx sistema ta' produzzjoni b’saħħitha u li għandhom jibbenefikaw huma wkoll mill-investimenti kbar li ser isiru fis-settur dalwaqt. Il-komponent spazjali tal-GMES għandu bżonn mhux biss tal-intrapriżi l-kbar speċjalizzati fil-qasam tal-elettronika ajruspazjali iżda wkoll tal-intrapriżi ż-żgħar, li huma wkoll kapaċi jiggarantixxu soluzzjonijiet innovattivi. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ il-ħolqien ta' konsorzji bejn kumpaniji transnazzjonali, minħabba n-natura Ewropea tal-proġett. |
4.11 |
Il-Kumitat jirrakkomanda koordinazzjoni dejjem aktar stretta bejn id-diversi partijiet interessati tal-proġett: il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ESA u l-EUMETSAT u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li taqsam ir-responsabbiltà bejn dawn id-diversi komponenti, skont kif previst fil-Komunikazzjoni. |
4.12 |
Il-Kumitat jemmen li l-ESA għandha l-kompetenzi kollha neċessarji biex tikkwalifika bħala l-maniġer finali tal-infrastruttura spazjali, b’kooperazzjoni mal-aġenziji nazzjonali fir-rigward tal-manutenzjoni, l-iżvilupp u s-sostituzzjoni tal-kostellazzjoni tas-satelliti. Jirrakkomanda bis-saħħa li jiġu ttestjati l-inizjattivi kollha legalment possibbli sabiex tkun tista’ titwettaq din l-għażla naturali. |
4.13 |
Skont il-Kumitat, huwa indispensabbli li tibqa’ tiġi żviluppata l-azzjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali. Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima qiegħda inevitabilment isseħħ fuq skala globali u l-kondiviżjoni tad-data ser tkun essenzjali biex f’ħin reali jiġu identifikati l-effetti kontinwi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra u t-tibdil fil-klima korrespondenti. Il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat dan l-aspett u l-Kumitat jirrakkomanda li jiġu involuti wkoll imsieħba oħra miż-żoni fil-viċin u possibbilment jiġu involuti fl-istrateġija Ewropea għad-difiża tat-territorju u tal-ibħra u għas-sikurezza. Pereżempju, l-Unjoni għall-Mediterran tista’ tkun pjattaforma ideali għall-iżvilupp ta' din il-kooperazzjoni fl-ambitu tal-programmi prijoritarji attwali li jikkonċernaw il-protezzjoni ċivili, it-tindif tal-Mediterran u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. B’mod simili, il-kapaċità li jiġu identifikati l-karatteristiċi partikulari f’żoni oħra speċifiċi, bħall-attivitajiet li bħalissa huma fis-seħħ fir-Reġjuni Baltiċi u fiż-żona tad-Danubju, tista’ tkun ta' kontribut pożittiv. |
4.14 |
Il-KESE jappoġġja t-twaqqif tal-Bord tal-Imsieħba tal-GMES, magħmul minn 27 membru, li jipprevedi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Isvizzera u n-Norveġja bħala membri tal-ESA. Dan il-korp, ippresedut mill-Kummissjoni, huwa fdat bil-kompitu li jwaqqaf kooperazzjoni bejn il-korpi tal-Istati Membri kollha, jgħin lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni koerenti tal-programm u tipprepara qafas strateġiku ta' implimentazzjoni u jwettaq skambju ta' esperjenzi u prattiki tajba relatati mal-GMES u mal-osservazzjoni tad-dinja. Dan il-korp rappreżentattiv jista’ jgħin jindirizza l-iżbilanċ fl-għarfien u fl-attività relatata mal-ispazju li jeżisti bejn l-Istati Membri l-ġodda u dawk qodma. Il-ħolqien ta' forum tal-utenti privati ikun tassew f’waqtu biex jiġu analizzati l-perspettivi tas-sistema u jkun hemm kollaborazzjoni mal-Kunsill. |
4.15 |
Hemm bżonn ta' attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-programmazzjoni fuq perijodu qasir ta' żmien, b’mod partikolari t-tħaddim tas-serje A tas-satelliti Sentinel, l-illanċjar tas-serje B u l-akkwist ta' komponenti importanti għas-serje C. |
4.16 |
Kemm il-Presidenza Spanjola, li impenjat ruħha fir-rigward tar-Regolament dwar is-servizzi GMES, kif ukoll il-Presidenza Belġjana, li impenjat ruħha fir-rigward tal-politika spazjali Ewropea, jaqblu li hemm bżonn ta' impetus ġdid. Il-Parlament Ewropew huwa favur ħafna li jappoġġja dan. Għalhekk, jeżistu l-kundizzjonijiet għad-definizzjoni tal-aspetti li għadhom jeħtieġu kjarifika: jiġu identifikati u allokati r-riżorsi neċessarji għall-proġett, jitneħħew id-dubji li għad hemm dwar l-iskadenza tal-GMES, u b’hekk ikunu jistgħu jiġu żviluppati l-kostellazzjonijiet Sentinel, skont il-programm stabbilit, tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u jkun hemm aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. |
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) CESE 96/2010 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) – COM(2009) 223 finali – 2009/0070 (COD).
(2) ESA/C (2009) 36.
(3) Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE – COM(2009) 538 finali.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/157 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għal użu ħafif”
COM(2009) 593 finali – 2009/0173 (COD)
2011/C 44/27
Relatur: is-Sur RANOCCHIARI
Nhar l-20 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għal użu ħafif
COM(2009) 593 finali – 2009/0173 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ vot unanimu.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Bħala parti mill-istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u wara l-adozzjoni tar-Regolament dwar karozzi tal-passiġġieri fl-2009, il-proposta li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief hija miżuri komplementarja adatta. L-ebda inizjattiva appoġġata minn approċċ integrat ma tista’ tiġi injorata fl-isforzi biex jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra, billi dan huwa aspett ewlieni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
1.2 Il-proposta l-ġdida hija bbażata fuq ir-Regolament dwar il-karozzi tal-passiġġieri, fejn jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi għal pieni, primjums, derogi, ekoinnovazzjonijiet, eċċ. għal dan il-qasam ukoll.
1.3 Il-KESE jibża’ li dawn l-arranġamenti ma jqisux biżżejjed id-differenza sostanzjali bejn karozzi u vetturi kummerċjali ħfief: tal-ewwel huma prodotti għall-konsumatur u tat-tieni huma prodotti kapitali, bir-riżultat li hemm differenza ċara fir-rwol u d-daqs tal-ispejjeż operattivi tagħhom. Barra minn hekk, f’xi aspett tagħha l-proposta dwar il-vetturi kummerċjali ħfief hija iktar ambizzjuża mir-Regolament dwar il-karozzi tal-passiġġieri, fir-rigward ta’ perijodi ta’ żmien, spejjeż, eċċ. Il-KESE jemmen li meta wieħed iqis il-ħin ta’ preparazzjoni (lead time) (1) għal vetturi kummerċjali, li huwa mill-inqas sentejn iktar minn dak għal karozzi tal-passiġġieri, il-proposta għandha tiġi riveduta, mhux l-inqas fid-dawl tal-kriżi serja li qed tolqot is-settur, li kellha impatt kummerċjali sinifikanti u qed tkompli jkollha impatt.
1.4 Barra minn hekk, hemm il-biża’ li effett wisq qawwi fuq l-ispejjeż industrijali, u għaldaqstant, fuq il-prezzijiet, jista’ jdgħajjef dejjem iżjed suq li diġà jinsab fi kriżi gravi, u b’hekk jintilfu iktar impjiegi u jitnaqqas iktar il-pass tat-tiġdid tal-flotta, u b’hekk l-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.
1.5 Għaldaqstant il-KESE jappella biex jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Kompetittività ta’ Mejju 2009, li enfasizzaw: “meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ekonomika attwali fis-settur, iridu jiġu evitati aktar piżijiet għall-industrija, jekk dan huwa possibbli”, b’kull deċiżjoni ppreċeduta minn evalwazzjonijiet tal-impatt li jitwettqu bir-reqqa.
1.6 Il-KESE jfakkar li l-proposta hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-impatt li saret qabel il-kriżi ekonomika u jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jitolbu li tiġi aġġornata l-evalwazzjoni, imsejsa, mhux l-inqas, fuq monitoraġġ bir-reqqa tal-emissjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tal-Euro 5.
1.7 Fid-dawl ta’ dan kollu li ssemma hawn fuq, il-KESE, waqt li jikkonferma l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2, jappella biex jiġu riveduti l-limiti ta’ żmien stipulati fir-Regolament, biex il-fażijiet ta’ bidla gradwali jkunu konformi mal-ħin ta’ preparazzjoni għas-settur (tnedija fl-2015 u tlestija matul l-2018), b’evalwazzjoni tal-impatt iktar precisa u aggornata, inkluż fir-rigward tal-objettivi għall-perijodu fit-tul lil hinn mill-2020, li huwa stmat, jista’ jasal b’mod gradwali għal 150-160g/km mill-mod kif qed tipproggressa t-teknoloġija, filwaqt li tibqa’ l-ħtieġa ta’ reviżjoni fi żmien adegwat.
2. Daħla
2.1 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2007) 19 finali ta’ Frar 2007 – Ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief – ħabbret li l-Kummissjoni kienet se tipproponi qafas leġislattiv sabiex tintlaħaq il-mira Komunitarja ta’ 120 g CO2/km. Ir-Regolament ta’ Diċembru 2008 dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri, li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet minn dawn il-vetturi għal medja ta’ 130 g/km, jagħmel parti ewlenija mill-istrateġija tal-Komunità. Il-leġislazzjoni li sservi ta’ bażi għall-istrateġija tistipola għadd ta’ miżuri komplementari għal tnaqqis addizzjonali ta’ 10 g/km tal-emissjonijiet tas-CO2 (approċċ integrat); dawn il-miżuri jinkludu l-proposta l-ġdida sabiex l-emissjonijiet tas-CO2 jiġu limitati minn vetturi kummerċjali ħfief.
2.2 L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha għal tnaqqis ta’ 20 %, jew 30 % jekk isir ftehim ġenerali internazzjonali, fl-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020. Huwa ċar li s-setturi kollha jridu jikkontribwixxu għal dan it-tnaqqis. Skont il-Kummissjoni, l-emissjonijiet minn vetturi kummerċjali ħfief jirrappreżentaw madwar 1,5 % tal-emissjonijiet totali ta’ CO2 fl-Unjoni Ewropea.
2.3 Il-proposta l-ġdida tiġi wara żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni li nħarġu fi Frar 2007 – COM(2007) 19, imsemmija hawn fuq, u COM(2007) 22 dwar “Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21” – u s-sejħa mill-Kunsill dwar l-Ambjent ta’ Ġunju 2007 sabiex titfassal proposta għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-vetturi kummerċjali ħfief.
3. Il-Proposta għal Regolament
3.1 Nhar it-28 ta’ Ottubru 2009 l-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief.
3.2 Kif issemma fid-Daħla, ir-Regolament il-ġdid jikkomplementa r-Regolament 443/2009 (emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri) bħala parti minn approċċ integrat sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE ta’ 120 g CO2/km għall-vetturi ħfief ġodda kollha. Għas-sena li tibda fl-1 ta’ Jannar 2014, u għal kull sena suċċessiva, kull manifattur ta’ vetturi kummerċjali ħfief (LCV) għandu jiżgura li l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 mill-vetturi tagħhom ma jaqbżux il-mira stipulata fir-Regolament.
B’mod partikulari:
3.2.1 |
L-ambitu tal-proposta huwa limitat għal vetturi tal-kategorija N1. Il-Kummissjoni ser tiddeċiedi jekk għandha testendi din l-applikazzjoni għal vetturi N2 u M2 (2) biss wara r-reviżjoni tal-2013, fuq il-bażi tal-proċedura ta’ komitoloġija. |
3.2.2 |
Il-mira tal-proposta hija li jitnaqqsu l-emmissjonijiet medji ta’ CO2 minn vetturi ġodda għal 175 g CO2/km mill-2014, b’fażi ta’ adattament gradwali sal-1 ta’ Jannar 2016. (Din il-mira tapplika għal 75 % tal-vetturi fl-2014, 80 % fl-2015 u 100 % mill-2016). |
3.2.3 |
Il-proposta tqis bħala l-parametru ta’ utilità l-massa tal-vettura meta qed taħdem tajjeb (il-bażi tal-kalkolu għall-kejl tal-emissjonijiet). Madankollu, l-Artikolu 12 jistipola li l-Kummissjoni trid tevalwa jekk jistgħux jintużaw parametri alternattivi (“daqs tal-pass” (footprint), tagħbija li tinġarr (payload)) (3) fl-2014. |
3.2.4 |
Il-proposta tistipola li:
|
3.2.5 |
Meta jiġu kkalkolati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, jiġu stipolati premji għal dawk il-manifatturi ta’ vetturi bi prestazzjoni eċċezzjonali. Kull vetturi kummerċjali ħafifa ġdida b’emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ inqas minn 50 g CO2/km ser tiġi meqjusa bħala 2.5 LCVs fl-2014; 1.5 LCVs fl-2015 u LCV waħda mill-2016. |
3.2.6 |
Manifattur b’inqas minn 22 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrata fil-Komunità f’kull sena kalendarja jista’ japplika għal deroga mill-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi (ara l-punt 3.2) jekk:
|
3.2.7 |
Meta fornitur jew maniffatur iressaq applikazzjoni, il-Kummissjoni trid tikkunsidra, skont proċeduri li għad iridu jiġu ddefiniti, it-tifdil ta’ CO2 permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, barra miċ-ċiklu normali ta’ testijiet għall-kejl tas-CO2. Il-kontribut totali ta’ dawk it-teknoloġiji għat-tnaqqis tal-mira ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur jista’ jasal sa 7 g CO2/km. |
3.2.8 |
Manifatturi ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda, barra minn dawk li ngħataw id-deroga msemmija fil-punt 3.2.6 ta’ din l-Opinjoni, jistgħu jifformaw għaqda (pool) għall-finijiet li jissodisfaw l-obbligi tagħhom. |
3.2.9 |
Il-proposta tar-regolament tipprevedi li l-emissjonijiet speċifiċi ta’ “vettura kompletata” għandhom jiġu stabbiliti fuq livell indaqs mal-ogħla valur ta’ dawk ta’ “vettura lesta” li huma tal-istess tip bħall-vettura bażi li fuqha hija bbażata l-vettura kompletata. |
3.2.10 |
Sal-1 ta’ Jannar 2013 il-Kummissjoni għandha tlesti reviżjoni tal-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi, bil-għan li jiġu definiti l-modalitajiet sabiex sas-sena 2020 tintlaħaq il-mira fit-tul ta’ 135 g CO2/km. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 Bħal f’opinjonijiet preċedenti dwar proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2, il-KESE jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha tal-Komunità li għandhom l-għan li jilħqu miri speċifiċi fit-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, billi din hija parti ewlenija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, l-ebda miżura raġonevoli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ma tista’ tiġi injorata, billi dawn il-vetturi jifformaw iktar minn 10 % tal-flotta.
4.2 Barra minn hekk, l-istrument magħżul – “regolament” – huwa l-iktar adatt biex tiġi żgurata konformità immedjata mad-dispożizzjonijiet adottati, u jevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jkollhom implikazzjonijiet għas-suq intern.
4.3 Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta, li hija bbażata fuq ir-Regolament dwar il-karozzi tal-passiġġieri, jissottovaluta d-differenzi bejn il-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief, li l-iktar importanti minnhom huma:
— |
ċiklu ta’ żvilupp u produzzjoni itwal minn dak għall-karozzi tal-passiġġieri; |
— |
ir-rwol ta’ dawn il-vetturi, li jintużaw għal attività kummerċjali fejn l-effiċjenza u s-saħħa tal-makna u l-konsum tal-karburant ta’ sikwit huma l-ispejjeż operattivi l-iktar importanti. M’hijiex koinċidenza li 97 % tal-flotta tal-vetturi kummerċjali ħfief għandhom makni diżil; |
— |
il-profil tax-xerrejja, fejn iktar minn 90 % huma impriżi żgħar u mikro tas-snajja’ huma sensittivi ħafna għal kull tibdil fil-prezz. |
4.4 Il-KESE jixtieq jirrimarka wkoll dwar il-kumplessità ta’ din ir-reviżjoni, li għandu jkollha l-għan li twassal għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 mingħajr ma tipperikola l-kompetittività tas-settur tal-vetturi, li qed jopera f’suq dinji kompetittiv ħafna u li qed jgħaddi minn kriżi enormi. Il-bejgħ totali ta’ vetturi kummerċjali ħfief fl-2009 niżel b’iktar minn 30 % meta mqabbel mal-2008, speċifikament 30 % fil-punent tal-Ewropa (l-Italja -23,4 %, il-Ġermanja -24,7 %, Spanja -38,8 %, Franza -21,3 %, ir-Renju Unit -37,1 %) u -49 % fl-Istati Membri l-ġodda (jiġifieri -28,0 % fil-Polonja u -67,0 % fir-Repubblika Ċeka).
4.5 Il-KESE ma jistax jinjora t-tħassib li ssemma dwar l-impatt potenzjalment eċċessiv fuq l-ispejjeż industrijali, u għaldaqstant fuq il-prezzijiet tal-vetturi, bil-periklu ta’ tnaqqis fil-produzzjoni u b’hekk it-telfien ta’ impjiegi, barra minn inqas xerrejja, u tnaqqis fil-pass tat-tiġdid tal-flotta b’vetturi li jniġġsu inqas.
4.6 Naturalment, il-KESE ma jikkontestax id-deċiżjoni li jiġu stipulati standards għall-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief, mhux l-inqas sabiex jiġi evitat ir-riskju li s-suq jikkategorizza b’mod ufficiali il-vetturi ta’ daqs ikbar bħala vetturi kummerċjali ħfief sabiex jiggwadanja taxxa iktar baxxa fuq il-vetturi u benefiċċji potenzjali oħrajn. Li hu inkwetanti hawnhekk huwa l-fattibilità prattika tal-proposta li, minn naħa, hija msejsa fuq evalwazzjonijiet li jmorru lura għall-2007, fi kliem ieħor qabel il-kriżi li laqtet u qed tkompli taffettwa s-settur b’mod gravi, u min-naħa l-oħra, tonqos milli tistipula limiti ta’ żmien suffiċjenti għall-implimentazzjoni.
4.7 Fil-fatt, il-proposta attwali tagħmel bidla fl-approċċ addottat preċedentement fir-rigward tal-objettivi: mhux iktar 175g CO2/km sal-2012 u 160g CO2 fl-2015, iżda, kif ġie msemmi hawn fuq, 175g CO2 sal-1 ta’ Jannar 2016, b’fażi ta’ adattament graduali mill-2014, u fl-aħħar nett 135g CO2 sal-2020. Din ir-reviżjoni, kif se naraw iktar ’il quddiem, sfortunatament mhijiex biżżejjed billi ma tqisx il-ħin ta’ preparazzjoni tas-settur u l-ebda industrija ma tniedi programm ta’ investimenti li jiswa ħafna jekk ma tkunx ċerta dwar il-qafas regolatorju li ser jiġi adottat.
4.8 B’rabta ma’ dan, il-KESE jisħaq fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività dwar l-industrija tal-karozzi, adottati fid-29 ta’ Mejju 2009 li jappella biex jiġu evitati regoli ġodda li jistgħu jwasslu għal spejjeż eċċessivi għan-negozji fis-setturi kollha ta’ produzzjoni. Fir-rigward tas-settur awtomobilistiku, b’mod partikolari, il-Kunsill għaraf li “meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ekonomika attwali fis-settur, iridu jiġu evitati aktar piżijiet għall-industrija, jekk dan huwa possibbli. Miżuri leġislattivi ġodda jridu jittieħdu b’kawtela kbira u għandhom jiġu ppreċeduti minn evalwazzjonijiet tal-impatt li jsiru bir-reqqa u li jirrispettaw il-kundizzjonijiet attwali”.
4.9 Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ma kkunsidratx leġislazzjoni parallela u “rivali” li jfisser li ħa jkun iktar diffiċli biex il-mira ddikjarata tintlaħaq. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-impatt imwettqa ma kkunsidratx il-fatt li t-tnaqqis ta’ emissjonijiet mill-pajp tal-egżost minn vetturi neċessarju għal diżil Euro 5 u 6 f’termini ta’ nitroġeni ossidi (NOx) u partikolati (PM) għandu impatt negattiv fuq l-effiċjenza fl-użu tal-karburant.
4.10 Fl-aħħar nett, il-KESE jfakkar li s’issa m’hijiex stabbilita sistema uffiċjali għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief, u għaldhekk m’hemmx data uffiċjali dwar is-suġġett. Il-periklu huwa li jiġu imposti piżijiet prattiċi fuq l-industrija u setturi relatati mingħajr ma jkun hemm informazzjoni adegwata.
4.11 Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej – kif kien diġà għamel fl-opinjoni dwar ir-regolazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri (5) – biex jirrivedu l-limiti ta’ żmien stipulati fir-Regolament, biex b’hekk il-perijodu ta’ adattament gradwali jkun konformi mal-ħin ta’ preparazzjoni għas-settur, sabiex jibda fl-2015 u jitlesta f’erba’ fażijiet, fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, sal-2018.
4.12 Objettiv wieħed, li għadu ambizzjuż iżda iktar realistiku mill-2020, jista’ jkun ta’ 150-160g/ CO2/km, b’fażi ta’ adattament graduali li tqis il-monitoraġġ tad-data li tkun saret disponibbli sa dak iż-żmien. Il-KESE jappella biex titnieda riflessjoni fl-PE u l-Kunsill li twassal għar-reviżjoni tal-proposta inizjali dwar dan il-punt ukoll.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-KESE jirrimarka li l-proposta hija iktar ċara mir-Regolament 443/2009 dwar il-karozzi tal-passiġġieri, fis-sens li:
5.1.1 |
Il-limiti ta’ żmien fil-fatt huma iqsar. L-adattament gradwali tal-miri huwa ppjanat li jibda madwar erba’ snin wara li l-Kummissjoni tkun adottat il-proposta. Dan huwa konformi mar-Regolament 443/2009, li ġie adottat mill-Kummissjoni fi tmiem l-2007 u ppubblikat f’nofs l-2009. Madankollu, kif jaf kulħadd, il-vetturi kummerċjali għandhom ċikli itwal ta’ disinn u produzzjoni milli għandhom il-karozzi (7-10 karozzi meta mqabbel ma’ 5-7), u għaldaqstant jesiġu aktar żmien milli huwa pprovdut fir-Regolament 443/2009. Barra minn hekk, il-perijodi ta’ żmien għall-adattament gradwali għal-LCVs huma iqsar milli għall-karozzi tal-passiġġieri, u l-perċentwal ta’ vetturi affettwati fil-bidu huwa ogħla (75 % għal-LCVs, 65 % għall-karozzi tal-passiġġieri); |
5.1.2 |
L-ispejjeż huma ogħla. Ħafna mill-vetturi kummerċjali jimxu fuq id-diżil (madwar 97 %); il-potenzjal għal titjib huwa iżgħar, u b’hekk l-ispejjeż għat-tnaqqis ser ikunu ogħla. Għaldaqstant, l-impatt mistenni fuq il-prezzijiet huwa ikbar (bejn 8 % u 10 %, meta mqabbel ma’ 6 % għall-karozzi tal-passiġġieri), kif inhi l-ispiża għat-tnaqqis fl-emissjonijiet marġinali (madwar EUR 160 kontra varjazzjoni wiesgħa bejn EUR 25 u EUR 150 għal kull karozza). |
5.2 Il-KESE jinnota li l-proposta tuża l-massa tal-vettura li qed taħdem tajjeb bħala l-parametru ta’ utilità iżda tiddikjara wkoll fl-Artikolu 12 li l-Kummissjoni għandha tevalwa jekk għandhomx jitużaw parametri alternattivi (daqs tal-pass, tagħbija li tinġarr) fl-2014. Il-KESE jappella biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddiskutu jekk ikunx xieraq li jevalwaw fl-immedjat parametri differenti li jistgħu jqisu aktar ir-rwol tal-vetturi kummerċjali. Pereżempju, il-KESE jħoss li l-massa grossa tal-vetturi speċifikata fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tkun parametru iktar adatt għal dan il-għan, billi jippermetti li titqies ukoll il-kapaċità tat-tagħbija.
5.3 Il-pieni għal vetturi kummerċjali ħfief huma ikbar milli għal karozzi tal-passiġġieri: l-unità bażika ta’ piena hija ferm ogħla (EUR 120 minflok EUR 95). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li titħares il-kompetittività tas-settur u jikkonkludi li livell ta’ pieni għal vetturi kummerċjali li huwa simili għal dak għal karozzi tal-passiġġieri jkun biżżejjed biex tiġi żgurata l-konformità mar-regola, kif turi l-evalwazzjoni tal-impatt. Fil-fatt, mhuwiex ċar għalfejn volum partikulari ta’ CO2 li joħroġ minn vettura kummerċjali għandu jkun penalizzat iktar mill-istess volum ta’ CO2 li joħroġ minn karozza tal-passiġġieri.
5.4 Il-proposta tiddikjara li l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi jista’ jgħin biex jitnaqqsu l-miri ta’ emissjonijiet speċifiċi għal manifatturi sa massimu ta’ 7 g CO2/km. Il-KESE japprova l-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji li joffru opportunitajiet ta’ impjieg u żvilupp anke fis-settur tal-ispareparts.
5.5 Fir-rigward tas-“superkrediti” għal vetturi partikularment effiċjenti, il-KESE jinnota li s-superkrediti pprovduti huma inqas ġenerużi minn dawk li hemm dispożizzjoni għalihom fir-Regolament 443/2009, peress li l-limitu fuq l-emissjonijiet stipolat għal vetturi li aktarx ser ikunu eliġibbli għal superkrediti (<50 g CO2/km) huwa l-istess bħal dak għal karozzi tal-passiġġieri. Madankollu, l-emissjonijiet medji (u l-miri) tal-vetturi kummerċjali ħfief huma ferm ogħla milli għall-karozzi tal-passiġġieri u l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ċifri li huma eqreb lejn ir-realtà, li jvarjaw skont il-massa tat-tliet klassijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief N1 (6).
5.5.1 Hawnhekk ukoll, il-KESE huwa tal-opinjoni li kien ikun aħjar li l-evalwazzjoni tal-impatt kienet iktar iddettaljata. Iħoss li jkun nuqqas ta’ preċiżjoni metodoloġika li tiġi stabbilita ċifra assoluta (50 g CO2/km) meta l-funzjoni ta’ xażi f’vettura kummerċjali tista’ tinbidel kompletament, skont il-konfigurazzjoni u l-piż li qed jiġi ttrasportat, mingħajr ma wieħed iqis il-fatt li ċifra daqstant baxxa fil-prattika ma tistax tintlaħaq bil-magni ta’ kombustjoni interna attwali iżda tesiġi “qabża teknoloġika mill-preżenent” (7) li bħalissa mhijiex possibbli.
5.6 Il-mira fit-tul ta’ 135 g CO2/km sal-2020 hija soġġetta għar-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-impatt aġġornata li ser tivverfika l-fattibilità tal-mira matul ir-reviżjoni tal-2013. Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġu stipulati objettivi fuq perijodu fit-tul għall-vetturi kummerċjali ħfief ukoll, iżda ċ-ċifra proposta tidher, anke f’dan l-istadju, li mhux se tintlaħaq fil-limiti ta’ żmien speċifikati: il-progress teknoloġiku mistenni fis-snin li ġejjin mhux se jkun kbir daqs kemm ġie mbassar u għaldaqstant, għal darb’ oħra l-ħin ta’ preparazzjoni għas-settur u l-impatt ta’ fatturi esterni li għandhom ikunu parti mill-approċċ integrat ġew injorati.
5.7 Il-KESE jemmen li l-kummenti t’hawn fuq huma kkonfermati mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-impatt eżistenti m’hijiex biżżejjed, għar-raġunijiet li ġejjin:
5.7.1 |
Il-proposta ma tispeċifikax kif ġiet stabbilita l-mira ta’ 135 g CO2/km u ma tipprovdix evalwazzjoni tan-nefqa għal dan il-livell tal-mira. L-impatt fuq il-prezzijiet huwa speċifikat biss għal 160, 150, 140 and 125 g CO2/km. Dan tal-aħħar twarrab għax iqum wisq (jgħolli l-prezz b’EUR 4 000, madwar 20 %). Għaldaqstant, tista’ tkun mistennija żjieda fl-ispejjez ta’ bejn il-15 % u l-20 % fil-prezz sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 135 g CO2; |
5.7.2 |
Ma tqisx il-fatt li ż-żjieda fil-prezz tista’ tnaqqas il-pass taċ-ċiklu tar-rinovazzjoni tal-flotta u għaldaqstant twassal għal żjieda fl-emissjonijiet ġenerali (emissjonijiet medji inqas minn vetturi ġodda iżda emissjonijiet ġenerali ogħla mill-flotta attwali). |
5.8 Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni ta’ derogi għal manifatturi żgħar u speċjalizzati, billi ċirkostanzi partikulari jesiġu arranġamenti flessibbli.
5.9 Fir-rigward ta’ vetturi mhux lesti, il-KESE jibża’ li s-sistema proposta mhux se tkun kapaċi tieħu ħsieb il-problema, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ data adegwata. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Presidenza Spanjola, li flimkien mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, qed tirrivedi l-kwistjoni. Fir-reviżjoni li għaddejja bħalissa ser isiru emendi fit-test finali li huma iktar konformi mal-qagħda reali tas-settur. Madankollu, huwa importanti li tiġi stabbilita mingħajr dewmien sistema uffiċjali ta’ monitoraġġ tad-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi “multistage”.
5.10 Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni biex jiġi llimitat l-ambitu għall-vetturi N1, b’vetturi N2 u M2 inklużi biss wara li tkun disponibbli data dwar l-emissjonijiet wara li ssir evalwazzjoni tal-impatt speċifika (8). Madankollu, jenfasizza l-bżonn li jitqiesu fil-fond il-karatteristiċi ta’ dawn il-vetturi. B’mod partikulari, il-vetturi M2 għandhom ikunu esklużi minn issa, meta wieħed iqis in-natura partikulari tagħhom bħala vetturi speċjalizzati.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Il-ħin neċessarju għall-industrija sabiex timplimenta kwalunkwe rekwiżit gdid li jġib miegħu bidliet strutturali fil-vettura.
(2) N1 = vetturi magħmula għat-trasport ta’ oġġetti u li għandhom massa massima ta’ mhux aktar minn 3.5 tunnellata; N2 = vetturi magħmula għat-trasport ta’ oġġetti u b’massa massima mhux iktar minn 12-il tunnellata; M2 = vetturi magħmula għat-trasport tal-passiġġieri, iktar minn tmien passiġġieri, massa massima ta’ mhux iktar minn 5 tunnellati
(3) Tagħbija li tinġarr (payload): it-tagħbija li tinġarr ta’ vettura hija differenza bejn il-massa massima teknikament permissibbli skont l-Anness III għad-Direttiva 2007/46/KE u l-massa tal-vettura. Id-daqs tal-pass tal-vettura għandha tiġi kkalkulata permezz tal-multiplikazzjoni tat-tul bejn rota u oħra (wheelbase) mal-wisa’ bejn rota u oħra (track width).
(4) Vetturi “multistage” huma vetturi li jinbiegħu mill-manifattur fil-forma ta’ kabina+xażi biss (il-vettura bażika) u mbagħad jiġu kkompletati minn oħrajn sabiex ikunu adatti għall-użu maħsub għalihom (li jista’jvarja b’mod konsiderevoli). Vetturi “multistage” jirrappreżentaw madwar 15 % tas-suq. Dawn il-vetturi jistgħu jiġu approvati skont it-tip f’kull stadju suċċessiv taħt id-Direttiva 2007/46/KE li tiddistingwi bejn il-“vettura bażi” (approvat skont it-tip fl-ewwel stadju ta’ proċess ta’ approvazzjoni tat-tip f’ħafna fażijiet (multi-stage)), “vettura kompletata” (approvazzjoni tat-tip fl-aħħar tal-proċess ta’ approvazzjoni tat-tip f’ħafna fażijiet) u “vetturi lesti” (approvazzjoni tat-tiġ permezz ta’ proċess sempliċi ta’ approvazzjoni tat-tip).
(5) Regolament (KE) Nru 443/2009 tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għall-użu ħafif (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1) – Opinioni tal-KESE: ĠU C 77, 31.3.2009, p.1.
(6) Klassi I: massa massima ta’ 1 305 kg u kapaċità ta’ tagħbija ta’ 2,5 m3, Klassi II: massa massima ta’ 1 760 kg u tagħbija ta’ 6 m3; Klassi III: > 1 760 kg u kapaċità ta’ tagħbija ta’ 17m3.
(7) Ara l-opinjoni tal-KESE ċitata fin-nota nru 5.
(8) Il-kejl tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi N2 u M2 ġie introdott mir-Regolament Euro 5 & 6 għal reġistrazzjonijiet ġodda minn Jannar 2011 u Settembru 2015 rispettivament. Għal vetturi approvati bit-tip skont ir-Regolament dwar vetturi tat-tip “heavy duty”, l-emissjonijiet ta’ CO2 jistgħu ma jkunux disponibbli sakemm l-emissjonijiet Euro VI isiru obbligatorji (31.12.2013).
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/162 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)”
COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD)
2011/C 44/28
Relatur: is-Sur PEZZINI
Nhar it-18 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX)
COM(2010) 61 finali — 2010/0039 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 78 vot favur, 1 vot kontra u 1 astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon u japprova x-xogħol li għamlet il-Kummissjoni biex tadatta u taġġorna r-Regolament (KE) Nru 2007/2004.
1.2 L-Istati Membri, li abolixxew il-kontrolli tal-fruntieri interni b’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Schengen dwar il-moviment ħieles fl-Ewropa, huma fil-libertà li jafdaw il-kontroll tal-fruntieri esterni lill-awtorità li jagħżlu huma.
1.2.1 Madankollu, bit-tkabbir tal-UE u l-estensjoni gradwali taż-żona Schengen għal kważi l-Istati Membri kollha, u fid-dawl tad-diversità tas-sistemi legali nazzjonali, ġew osservati għadd ta’ differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-responsabbiltajiet fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.
1.3 Għalhekk, fi tmiem il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken ta’ Diċembru 2001, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li joħolqu mekkaniżmu komuni u operattiv għall-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni, bil-għan li jikkoordina l-azzjoni tas-servizzi nazzjonali responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni.
1.3.1 Dan l-impenn sar iktar u iktar urġenti minħabba t-tkabbir sostanzjali fil-komunikazzjoni transnazzjonali, li tat spinta lill-ħolqien ta’ bosta identitajiet u ta’ nazzjonijiet-stati ġodda.
1.4 Permezz ta’ approċċ komprensiv fil-konfront tas-“sigurtà” tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-“immigrazzjoni klandestina”, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ipproponiet li jiġu stabbiliti Timijiet ta’ Appoġġ Konġunt tal-FRONTEX li l-Istati Membri joffru fuq bażi volontarja.
1.4.1 Għalhekk, b’konformità mal-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen” u l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, u bil-għan li tiġi żviluppata politika komuni fil-qasam tal-infrastruttura fissa u mobbli, it-Timijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu fdati bis-“sorveljanza” u, mbagħad, bil-“kontroll integrat” taż-żoni fejn tinqasam il-fruntiera.
1.4.2 Dan ifisser li jkunu jistgħu jiġu ċċekkjati d-dokumenti tal-identità, li l-barranin jiġu interrogati dwar ir-raġunijiet għas-soġġorn tagħhom, dejjem b’konformità mal-politiki tal-Istati Membri u jsir tlugħ abbord ta’ bastimenti li jinsabu fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru partikolari (1).
1.4.3 Fil-fehma tal-KESE, it-Timijiet għandhom jingħataw ir-riżorsi finanzjarji u l-mezzi tat-trasport (bastimenti, ajruplani, elikotteri) neċessarji. Il-mezzi li jintużaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex għandhom jiġu identifikati u jitħabbru b’mod ċar mill-Istati Membri kollha tal-UE.
1.5 Iżda, hemm bżonn li nirriflettu fuq il-periklu li l-attivitajiet marbuta mas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni jiġu “militarizzati”. Għalhekk, l-“interferenzi” potenzjali mal-funzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja, id-difiża militari u tad-dwana li l-Istati Membri individwali jafdaw lill-korpi tal-pulizija, tad-dwana u tal-forzi armati tal-art, il-baħar u l-ajru tagħhom għandhom jiġu kkoordinati b’mod adegwat, b’attenzjoni biex il-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw il-fruntieri ma tonqosx iżda tissaħħaħ (valur miżjud Ewropew).
1.5.1 Barra minn hekk, jibqgħu miftuħin il-kwistjonijiet marbuta mal-liġi nazzjonali fil-qasam tal-interventi fl-ibħra internazzjonali, anke fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-Montego Bay tal-1982 (2).
1.6 L-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona li, fost affarijiet oħra, jiġbor fih il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, żiedet b’mod konsiderevoli r-responsabbiltà u l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-asil. Il-KESE jqis li l-prerogattivi marbutin mal-kattura u ż-żamma tal-persuni għandhom jibqgħu taħt il-liġi ordinarja għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u mhux tar-regoli hekk imsejħa “esorbitanti”. Frontex, bħala “aġenzija”, ma tistax tiġi kkontrollata minn servizz estern, jew minn regoli esklussivament baġitarji, iżda għandha żżomm mar-rekwiżiti tar-rispett tal-persuni li jinżammu fl-Ewropa kollha f’dan il-qasam, b’mod partikolari bl-applikazzjoni tar-regoli penali tal-Kunsill tal-Ewropa (3).
1.7 Il-Kumitat, konxju mit-tradizzjoni soċjali u legali tal-Ewropa fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-asil, jirrakkomanda li l-membri li ser jagħmlu parti minn dawn it-Timijiet jingħataw taħriġ inizjali li jkun ċar u sod, u taħriġ regolari ta’ aġġornament dwar l-aspetti psikoloġiċi u dawk marbuta mal-imġiba, u b’hekk tiġi żgurata superviżjoni regolari, li jagħmluha possibbli li jkun hemm relazzjonijiet aħjar ma’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli, u li qed jippruvaw itejbu l-benesseri soċjali tagħhom, kif ġara tul is-sekli anke lil ħafna ċittadini Ewropej.
1.7.1 Fil-fehma tal-KESE, dawn it-Timijiet għandhom ikunu ta’ natura operattiva u mhux pulizija tal-fruntiera, b’operazzjonijiet li jagħmluha possibbli li tiġi implimentata l-Kodiċi ta’ Schengen.
1.7.2 Fil-fehma tal-Kumitat, il-ħidma tal-Frontex għandha tfittex li tikxef u tieħu passi legali kontra l-kriminali internazzjonali li jorganizzaw it-traffikar tal-bnedmin u jbiddlu l-persuni li jkollhom xewqa leġittima li jtejbu s-sitwazzjoni soċjali tagħhom f’vittmi ta’ sfruttament li jumiljahom u jiddegradahom.
1.7.3 Barra minn hekk, it-Timijiet tal-Frontex għandu, bl-appoġġ tal-GMES, jikkontribwixxi bis-sħiħ għas-salvataġġ tal-migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-Baċir tal-Mediterran, b’konformità mal-linji gwida tal-Istati Membri.
1.7.4 Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jissuġġerixxi li jsiru kuntatti kontinwi u li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-NGOs.
1.7.5 Fid-dawl tar-rwol u l-funzjonijiet tal-NGOs, il-KESE huwa tal-fehma li s-sehem tagħhom huwa indispensabbli biex jipprovdu appoġġ u medjazzjoni kulturali fil-fażijiet kollha tal-proċeduri stabbiliti fir-regoli Ewropej u nazzjonali, fil-konfront tal-persuni f’sitwazzjonijiet prekarji.
2. Introduzzjoni
2.1 Il-fruntieri jpoġġu żewġ stati jew reġjuni ġeografiċi wiċċ imb wiċċ u jisseparawhom skont konfini li jillimitaw ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-popli.
2.1.1 Il-fruntieri naturali (muntanji, xmajjar, meded ta’ ilma) huma sors ta’ rivalità kontinwa bejn il-popli li jgħixu fin-naħat opposti.
2.1.2 Anke l-fruntieri politiċi u dawk konvenzjonali huma r-riżultat ta’ kunflitti u kompromessi, li huma l-frott ta’ perijodi twal ta’ ġrajjiet storiċi.
2.1.3 Fl-era tal-globalizzazzjoni, ir-rata mgħaġġla tal-komunikazzjoni internazzjonali għandha t-tendenza tħeġġeġ il-multiplikazzjoni tal-identitajiet u żżid in-numru tan-nazzjonijiet sovrani, permezz tal-ħolqien ta’ nazzjonijiet-stati u nazzjonijiet-reġjuni ġodda.
2.1.4 Minħabba f’hekk, żdiedu l-fruntieri u s-“sanktità” tal-istati individwali, li l-fruntieri fraġli tagħhom huma sors ta’ kunflitti potenzjali u reali.
2.2 L-istati Ewropej jirrappreżentaw eċċezzjoni importanti fil-qafas dinji għaliex, permezz tal-Ftehim ta’ Schengen, abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri esterni, u b’hekk naqqsu l-piż tas-sovranità nazzjonali.
2.2.1 Iżda l-pressjoni migratorja qawwija attwali fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar tal-UE ħolqot il-bżonn għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ sistemi ġodda u komuni għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni (EUROSUR).
2.3 EUROSUR
2.3.1 Bħalissa, l-UE qed teżamina t-twaqqif ta’ sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri.
2.3.2 L-implimentazzjoni tal-proġett għandha tnaqqas in-numru ta’ migranti illegali u r-rata tal-mortalità waqt il-vjaġġ tagħhom, kif ukoll twaqqaf il-kriminalità transkonfinali u żżid is-sigurtà interna.
2.3.3 Għaldaqstant, hemm pjani li titwaqqaf sistema Ewropea għall-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi ta’ netwerk komuni ta’ sistemi ta’ informazzjoni u sorveljanza.
2.3.4 Huwa ppjanat it-twaqqif ta’ netwerk ta’ “komunikazzjoni informatika protetta” għall-iskambju ta’ data u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet taċ-ċentri differenti tal-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Frontex (4).
2.4 It-triq li wasslet għall-FRONTEX
2.4.1 Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 stabbilixxa Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri.
2.4.2 Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 imbagħad stabbilixxa mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri u emenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 fir-rigward ta’ dak il-mekkaniżmu u rregola l-kompiti u l-poteri ta’ uffiċjali mistiedna.
2.4.3 Għalhekk, permezz tal-Aġenzija, Stat Membru jista’ jitlob li jintbagħtu timijiet ta’ intervent rapidu fil-fruntieri – magħmulin minn esperti ta’ Stati Membri oħra li jkunu tħarrġu b’mod adegwat – fit-territorju tiegħu (5).
2.5 Id-Direttiva 2008/115/KE tistabbilixxi standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment “skont id-drittijiet fundamentali … inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.
2.5.1 Fil-5 ta’ April 2010, fid-dawl tal-adozzjoni tal-Manwal għall-ipproċessar tat-talbiet għall-viża (6), disponibbli għall-persunal konsulari tal-Istati Membri, il-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi daħal fis-seħħ għaż-żona Schengen, li hija magħmula minn 22 Stat Membru u 3 stati assoċjati.
2.5.2 Il-Programm tal-Aja (7) jipprevedi l-iżvilupp tal-Frontex fuq il-bażi ta’ programm definit.
2.5.3 Il-programm multiannwali ta’ Stokkolma għal spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009, iddeċieda favur it-tisħiħ tal-Aġenzija Frontex, anke permezz ta’ reviżjoni tal-qafas legali tagħha, u ppreveda, b’mod partikolari, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE.
3. Il-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni
3.1 Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi reviżjoni tal-qafas legali tal-Aġenzija Frontex, b’dawn il-punti ewlenin:
— |
l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri esterni, fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà (Artikolu 74 tat-Trattat), bil-korp tal-pulizija u s-servizzi tal-informazzjoni tagħhom; |
— |
l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Aġenzija, fl-għamla ta’ koordinazzjoni, meta jkunu involuti Stati Membri oħra u jkun hemm bżonn ta’ aktar għajnuna teknika u operattiva; |
— |
il-flussi migratorji kbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li bħalissa qed jippruvaw jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri illegalment jitolbu li jissaħħaħ ir-rwol tal-Frontex fil-politika tal-UE fil-qasam tal-immigrazzjoni; |
— |
l-evalwazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta (8) tipprevedi eċċezzjonijiet għall-qafas legali tal-Frontex u ddaħħal l-emenda għar-Regolament bħala żvilupp ieħor tal-acquis ta’ Schengen fil-ġlieda kontra l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni klandestina; |
— |
il-proposta għal emenda għandha l-għan li żżid il-koordinazzjoni u l-kooperazzzjoni fost l-Istati Membri permezz ta’ kriterji u proċeduri aktar armonizzati għal livell aktar għoli u uniformi tal-ġestjoni tas-sorveljanza; |
— |
it-tagħmir tekniku u r-riżorsi umani għandhom jissaħħu. Għal dan il-għan, jista’ jinħoloq tim ta’ gwardjani tal-fruntiera stakkati, li jkun magħmul minn esperti nazzjonali bi kwalifiki u taħriġ ta’ livell għoli. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 Fl-operazzjonijiet kollha tal-Frontex għandha tiġi garantita l-konformità stretta mal-prinċipju tan-“non refoulement” stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra “trattament inuman u degradanti” u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
4.2 Il-missjonijiet tal-Frontex għandhom jitwettqu bil-għan assolut tal-ħarsien ta’ ħajjet il-bniedem u tal-protezzjoni tan-nisa, il-minorenni u tal-aktar persuni vulnerabbli. Għandhom jevitaw l-“esternalizzazzjoni” tal-kontrolli fil-fruntiera lejn pajjiżi (9) li ma jirrikonoxxux id-dritt tal-asil u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra (10).
4.3 Il-ħidma tal-Frontex għandha tfittex li tilħaq dawn il-valuri prijoritaji:
— |
tfittex li tneħħi l-poter tan-netwerks kriminali internazzjonali, li jorganizzaw it-traffikar tal-bnedmin; |
— |
tagħmel il-liġi tal-asil realtà għall-vittmi tal-inġustizzja, kif previst mit-Tratta tal-UE; |
— |
tgħin lill-migranti f’sitwazzjonijiet diffiċli, anke jekk jinsabu f’ibħra internazzjonali. |
4.4 Il-KESE japprova l-Proposta għal Regolament, meta tipprevedi li, anke b’rispett tal-kompetenzi tal-Aġenzija, l-Istati Membri jistgħu jkomplu bil-kooperazzjoni operazzjonali stabbilita ma’ stati u/jew pajjiżi terzi oħra fil-fruntieri esterni, bil-kundizzjoni li din il-kooperazzjoni tikkomplementa l-azzjoni tal-Aġenzija b’konsistenza mad-drittijiet tal-bniedem u skont it-tradizzjonijiet Kristjani-soċjali u legali tal-Unjoni Ewropea.
4.5 Fil-fehma tal-KESE, sabiex tiġi żgurata l-aħjar kooperazzjoni possibbli, jinħtieġ li l-Frontex tingħata r-riżorsi (bastimenti, ajruplani u elikotteri) neċessarji. Il-mezzi li jintużaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex għandhom jiġu identifikati u jitħabbru b’mod ċar mill-Istati Membri kollha tal-UE, u filwaqt li tqis l-impatt baġitarju tagħhom, il-Frontex għandha tkun f’pożizzjoni li tużahom b’koordinament mas-servizzi nazzjonali kollha li diġà għandhom riżorsi bħal dawn.
4.6 Il-KESE jista’ jappoġġja l-possibbiltà mogħtija lill-Frontex biex tiffinanzja u timplimenta proġetti ta’ għajnuna teknika f’pajjiżi terzi u tibgħat uffiċjali ta’ kollegament, bil-kundizzjoni li l-proġett u l-għajnuna jinvolvu lil NGOs b’esperjenza twila u sostanzjali fil-qasam tal-għajnuna, it-taħriġ għall-iżvilupp u l-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem.
4.7 Il-Frontex għandu jakkwista s-sistema l-ġdida SIS II (Sistema ta’ Schengem tat-tieni ġenerazzjoni) (11) mill-aktar fis.
4.8 Il-Frontex tista’ tingħata appoġġ sostanzjali biex tgħin lill-migranti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-Baċir tal-Mediterran permezz tad-data tal-GMES trasmessa mill-istazzjon ta’ Neustrelitz (12).
4.9 Anke r-rwol previst għall-Frontex biex tikkoordina l-attivitajiet marbuta mal-operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn għandu, fil-fehma tal-Kumitat, jitwettaq b’kooperazzjoni stretta mal-NGOs umanitarji li għandhom sensibbiltà rikonoxxuta u esperjenza twila fil-bini ta’ relazzjonijiet ma’ persuni f’sitwazzjonijiet diffiċli jew vulnerabbli.
4.10 Fil-fehma tal-KESE, il-Frontex tista’ tingħata mandat limitat biss għall-ipproċessar tad-data personali marbuta mal-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni klandestina, u dejjem b’kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet nazzjonali tal-prosekuzzjoni.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Fil-fehma tal-KESE, l-emendi proposti jikkonformaw mal-għan li jissaħħu r-rwol u l-funzjonijiet tal-Frontex, sabiex jittejjeb il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE u biex jiġu żgurati, fl-istess ħin, il-libertà u s-sigurtà interna tal-Istati Membri.
5.2 Madankollu, jistgħu jitqajmu l-punti li ġejjin:
5.2.1 Premessa (10) – jista’ jorbot aktar legalment kieku tintuża l-kelma “jiggarantixxi” minflok “jiżgura”.
5.2.2 Premessa (13) – il-kelma “listi” għandha tiġi sostitwita bil-frażi “reġistri adatti”, li tidher aktar adattata għall-ħolqien tal-obbligu li r-riżorsi jiġu mmaniġġati b’mod rigoruż.
5.2.3 Premessa (14) – għandhom jiddaħħlu l-aġġettivi “mħarrġa u speċjalizzati” fil-frażi “numru xieraq ta’ għassiesa tal-fruntiera kompetenti”.
5.2.4 Premessa (15) – il-frażi “fuq bażi semipermanenti” tidher vaga u għandha tiġi sostitwita bi frażi oħra aktar preċiża.
5.2.5 Premessa (23) – il-“limiti” marbuta mal-possibbiltà li l-Aġenzija “tniedi u tiffinanzja proġetti ta’ assistenza teknika(…)” għandhom jiġu definiti b’mod rigoruż.
5.3 Artikolu 1a)(a)(2) – il-kelma “viċin” għandha tiġi speċifikata b’mod aktar ċar, l-aktar biex jiġi evitat kwalunkwe indħil bla bżonn fil-konfront tas-sovranità nazzjonali.
5.3.1 Artikolu 2(1)(c) – il-kompitu fdat lill-Aġenzija biex twettaq “analiżi ta’ riskju” għandu jiġi estiż għall-“ispejjeż” involuti biex tiġi ttrattata l-pressjoni fil-konfront tal-fruntieri esterni tal-aktar Stati Membri esposti. Fil-fatt, jidher ġust li l-Istati Membri kollha, u mhux biss dawk tal-“fruntiera” jerfgħu din ir-responsabbiltà.
5.3.1.1 Id-dispożizzjoni għandha tiġi kkoordinata b’mod adegwat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4.
5.3.2 Artikolu 2(1)(iii)(h) – jidher li jkun aħjar li jiġi speċifikat li l-Aġenzija tista’ tingħata biss “mandat limitat” biex tipproċessa data personali relatata mal-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jorganizzaw l-immigrazzjoni illegali. Id-dispożizzjoni għandha tiġi kkoordinata mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11, 11a u 11b.
5.3.3 Artikolu 14(1) – jidher li tkun idea tajba li jiġu ċċarati l-mezzi li permezz tagħhom l-Aġenzija “tiffaċilita” l-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.
5.3.4 Artikolu 14(2) – il-possibbiltà li l-Aġenzija tibgħat uffiċjali ta’ kollegament fil-pajjiżi terzi għandha tiġi ċċarata aktar, fis-sens li dawn l-uffiċjali li jintbagħtu bħala osservaturi u/jew konsulenti, jistgħu jintbagħtu f’pajjiżi terzi biss “fejn il-prattiki tal-ġestjoni tal-fruntiera jirrispettaw l-istandards minimi tad-drittijiet tal-bniedem”; għandu jiġi preċiżat ukoll li dawn il-pajjiżi terzi jridu jkunu formalment qablu mal-Konvenzjonijiet vinkolanti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-asil u l-protezzjoni internazzjonali.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) B’konformità mal-Artikolu 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aġenti tal-Frontex jistgħu jaġixxu fuq l-ordni tal-gwardjani tal-fruntiera tal-Istati Membri u għalhekk b’konformità mas-sovranità tal-Istati Membri.
(2) Minbarra l-kontroversja ma’ Stati Membri oħra dwar l-applikazzjoni ġusta tar-regoli dwar l-akkoljenza u l-illegalità tal-operazzjonijiet bil-għan li jiġu “respinti” l-immigranti, il-qrati Taljani qed jakkużaw lill-uffiċjali ċivili u militari b’aggressjoni minħabba li f’Awwisu 2009, 75 immigrant klandestini li twaqqfu fuq l-ibħra internazzjonali ntbagħtu lura l-Libja. Iżda, il-gvern Taljan ma huwiex tal-istess fehma tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Siracusa. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati jsostni li l-operazzjonijiet li saru bil-għan li l-immigranti jintbagħtu lura pperikolaw il-possibbiltà li dawn igawdu mid-dritt tal-asil fl-Italja.
(3) Peress li issa l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Protokoll Nru. 14 tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu, u peress li t-Trattat ta’ Lisbona ratifikat jiftaħ it-triq biex l-UE ssir membru tal-ECHR, huwa aktar u aktar meħtieġ li l-Frontex tibqa’ konformi ma’ dawn il-linji.
(4) In-netwerk elettroniku imbagħad jiġi kkoordinat mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2006 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE li tistabbilixxi Network sigur bbażat fuq il-web dwar l-Informazzjoni u l-Kordinazzjoni għas-Servizzi ta’ Amministrazzjoni tal-Migrazzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-iskambju rapidu ta’ informazzjoni fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni legali.
(5) Il-kompiti msemmija hawn fuq huma marbua mill-qrib ma’ dawk tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL), stabbilit fl-1992 biex jipprovdi informazzjoni fil-livell Ewropew fil-qasam kriminali. Dan il-qafas jiġbor fih ukoll is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), li tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet rilevanti fiż-żoni ta’ Schengen jaqsmu informazzjoni dwar l-identità ta’ kategoriji speċifiċi ta’ persuni u prodotti.
(6) Adottat mill-Kummissjoni Ewropea fid-19.3.2010.
(7) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1 1.
(8) SEC(2010) 149.
(9) Pereżempju, il-Libja.
(10) Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16.12.2008 (li ser tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2010) dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, “skont id-drittijiet fundamentali … inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem”.
(11) SIS, Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, li għandha tibda topera sal-31.2.2011 (Rapport Coelho tal-Parlament Ewropew).
(12) L-istazzjon ta’ Neustrelitz fil-Ġermanja ser jiżgura l-ippjanar u l-produzzjoni ta’ data ta’ riżoluzzjoni għolja għall-Ewropa u l-Baċir tal-Mediterran bis-saħħa tas-satelliti ottiċi GEO, Eye 1 u Ikonos.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/167 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (UE) li jdaħħal fis-seħħ koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali”
COM(2010) 105 finali/2 – 2010/0067 (CNS)
2011/C 44/29
Relatur uniku: is-Sur RETUREAU
Nhar id-29 ta’ April 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (UE) li jdaħħal fis-seħħ koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali
COM(2010) 105 finali/2 — 2010/0067 (CNS).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, vot wieħed kontra u 6 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzonijiet
1.1 Il-bażi legali hija l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jagħti lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta miżuri dwar il-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali; il-proposta hija konformi mal-element barrani previst fit-Trattati.
1.2 Il-Kumitat jinnota b’interess il-possibbiltà li toffri din il-Proposta għal Regolament sabiex il-proċedura tal-koperazzjoni msaħħa (1), prevista fl-Artikoli 326 u segwenti tat-Titolu III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tiġi applikata fil-qasam tal-liġi, fejn l-użu tagħha mhuwiex ħaġa naturali jew faċli; jittama li fil-ġejjieni l-użu tal-koperazzjoni msaħħa jkun jista’ jwassal sabiex f’oqsma oħra jingħelbu l-ostakli jew id-diffikultajiet li jimpedixxu l-progress fir-rigward ta’ suġġetti jew kwistjonijiet li fi żmien partikolari ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil unanimu dwarhom, iżda li dwarhom numru determinat ta’ pajjiżi jkunu jixtiequ jimxu ‘l quddiem fil-koperazzjoni ta’ bejniethom.
1.3 Flimkien mal-Kummissjoni, il-Kumitat josserva li r-Regolament propost, li jibda japplika wara li jadottawh l-Istati Membri li jitolbuh, jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. L-inizjattiva hija konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-impenji internazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem.
1.4 Is-soluzzjonijiet proposti huma kapaċi jevitaw il-court shopping (tfittxija għas-sistema ġuridika l-aktar vantaġġjuża) min-naħa ta’ wieħed mill-konjuġi u jissodisfaw l-istennijiet leġittimi fir-rigward tal-qorti kompetenti, li fil-prinċipju hija dik tar-residenza abitwali fiż-żmien li fih titressaq it-talba għas-separazzjoni legali jew għad-divorzju. Il-proċedimenti ta’ annullament taż-żwieġ huma esklużi mill-abbozz ta’ Regolament u l-kwistjonijiet l-oħra kollha huma rregolati mil-liġi Komunitarja eżistenti fil-qasam taż-żwieġ u tar-responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi.
1.5 Il-Kumitat jinnota wkoll li r-Regolament propost ma jaffettwa bl-ebda mod il-liġi sostantiva tal-Istati Membri.
1.6 Fl-aħħar nett, japprova proposta li permezz tagħha għandhom jiġu solvuti aktar faċilment il-proċedimenti ta’ divorzju jew separazzjoni legali bejn ir-residenti tal-pajjiżi msieħba f’din il-koperazzjoni u b’hekk isir kontribut għall-moviment ħieles tal-persuni u s-sentenzi b’awtorità ta’ res judicata.
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
2.1 Il-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali għadha ma tiffurmax parti mil-liġi Komunitarja eżistenti fil-qasam taż-żwieġ. L-ewwel strument Komunitarju adottat fil-qasam tal-liġi tal-familja, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, stabilixxa regolamenti dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali kif ukoll sentenzi fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi mogħtija fil-kuntest ta’ proċedimenti matrimonjali, iżda ma jinkludix regolamenti dwar il-liġi applikabbli.
2.2 Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 mill-1 ta’ Marzu 2005 ‘l quddiem, ma ġab miegħu l-ebda bidla f’dan ir-rigward.
2.3 Madankollu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 jippermetti lill-konjuġi li jagħżlu bejn diversi kompetenzi alternattivi. Ladarba proċediment matrimonjali jitressaq quddiem il-qrati ta’ Stat Membru, il-liġi applikabbli hija ddeterminata fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali tal-kunflitt tal-Istat ikkonċernat, li huma bbażati fuq kriterji differenti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiddeterminaw il-liġi applikabbli fuq il-bażi ta’ skala ta’ kriterji relatati maħsuba biex jiżguraw li l-proċediment ikun irregolat bl-iktar ordni legali li għandu rabtiet mill-qrib magħha. L-Istati Membri l-oħrajn japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom (“lex fori”) b’mod sistematiku għall-proċedimenti matrimonjali.
2.4 Minħabba l-fatt li ma ntlaħaqx ftehim bejn l-Istati Membri kollha dwar il-liġi applikabbli u s-soluzzjoni tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet fil-qasam tad-divorzju u tas-separazzjoni legali matul dawn l-aħħar snin, kif ukoll minħabba li ma jidhirx li hemm prospetti li tinsab soluzzjoni għal din il-problema fil-futur qrib, bosta Stati Membri ddeċidew li jikkunsidraw koperazzjoni msaħħa bejniethom b’dan il-għan, sakemm jintlaħaq ftehim definittiv f’dan il-qasam li jiddependi mill-unanimità fi ħdan il-Kunsill. Għalhekk, għaxar Stati Membri ressqu talba quddiem il-Kummissjoni, fejn indikaw l-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu koperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali u talbu lill-Kummissjoni tressaq proposta f’dan ir-rigward quddiem il-Kunsill. Fit-3 ta’ Marzu 2010, il-Greċja rtirat it-talba tagħha (2). Iżda Stati Membri oħra qed jikkunsidraw li jingħaqdu f’din il-koperazzjoni msaħha. Illum, erbatax-il Stat Membru ddikjaraw l-interess tagħhom f’din il-koperazzjoni.
2.5 Wara li osservat li dan il-proġett ta’ koperazzjoni msaħħa ma jpoġġix f’dubju l-liġi Komunitarja eżistenti, il-Kummissjoni ħejjiet Proposta għal Regolament fejn osservat li l-proġett tal-għaxar Stati Membri inizjali jirrappreżenta progress fir-rigward tal-inizjattiva tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Lulju 2006 maħsuba biex temenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u tintroduċi regoli dwar il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali {COM(2006) 399 finali}, liema inizjattiva però baqgħet f’idejn il-Kunsill mingħajr ma ġiet adottata. Il-valutazzjoni tal-impatt li saret dik il-ħabta għadha valida u m’hemmx bżonn li ssir valutazzjoni ġdida.
2.6 B’konformità mal-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, fl-4 ta’ Ġunju 2010, il-Ministri Ewropej tal-Ġustizzja awtorizzaw, b’maġġoranza kkwalifikata, il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi koperazzjoni msaħħa ma’ xi wħud minnhom dwar id-divorzju u s-separazzjoni legali. Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu ftit jiem wara (fis-16 ta’ Ġunju 2010). Bħalissa, għad baqa’ biss l-adozzjoni formali tad-deċiżjoni li tawtorizza koperazzjoni msaħħa mill-Kunsill tal-UE.
2.7 Fir-rigward tar-regolament li jimplimenta l-koperazzjoni msaħħa, il-Ministri approvaw approċċ ġenerali dwar l-elementi essenzjali u talbu li l-kwistjonijiet pendenti jiġu eżaminati mill-ġdid. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu japprova r-regolament inkwistjoni b’mod unanimu (3).
3. Kummenti tal-Kumitat
3.1 Il-Kumitat diġà spjega drabi oħra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-bżonn li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom il-possibbiltà li s-sentenzi finali li jinqatgħulhom b’awtorità ta’ res judicata fi Stat Membru jiġu rikonoxxuti fi Stati Membri oħra mingħajr ma jkun hemm għalfejn proċedura ta’ exequatur.
3.2 Fil-qasam ċivili u b’mod partikolari dak tal-liġi matrimonjali, il-Kumitat adotta opinjoni dwar il-Green Paper dwar id-divorzju (4), li l-abbozz tar-Regolament (li għadu mblukkat fil-Kunsill) ispira ruħu minnha u li fiha l-Kumitat tkellem favur id-dispożizzjonijiet proposti dwar kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi, il-kunflitti tal-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet relatati mal-liġi applikabbli.
3.3 Dak iż-żmien, kien ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kontradizzjonijiet li jistgħu jinħolqu bejn l-applikabbiltà ta’ liġi barranija, b’mod partikolari ta’ ċerti pajjiżi terzi, u xi dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-politika pubblika Komunitarja jew dik tal-lex fori (inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel, l-għoti tal-ulied b’mod sistematiku lil wieħed mill-konjuġi skont is-sess, eċċ.). Għalhekk, ta’ min jifraħ bil-fatt li hija prevista klawżola ta’ eċċezzjoni tal-politika pubblika sabiex jitwarrbu d-dispożizzjonijiet ta’ liġi barranija applikabbli li pereżempju tmur kontra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Fundamentali, li issa saret tagħmel parti mil-liġi primarja (jiġifieri għandha l-istess valur tat-Trattati). L-Istati Membri għandhom jinvokaw il-politika pubblika internazzjonali tal-qorti tagħhom biex eventwalment iġibu eċċezzjoni fir-rigward tal-liġi ta’ pajjiż terz li tkun qed tmur kontra tagħha.
3.4 Il-Kumitat jerġa’ japprova s-soluzzjonijiet proposti sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti, fil-prinċipju dik tal-aħħar residenza komuni abitwali tal-konjuġi (5). Dan huwa kapaċi jevita l-court shopping min-naħa ta’ wieħed mill-konjuġi, f’każ li jeżistu kriterji differenti biex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti. Iżda l-liġi applikabbli tista’ tkun dik li hi l-eqreb tal-liġi matrimonjali, skont kriterji kumulattivi, u skont l-istennijiet tal-idgħjef wieħed miż-żewġ konjuġi, u mhux bilfors dik tal-qorti kompetenti kif inhu l-każ bħalissa f’uħud mill-Istati Membri. Il-liġi applikabbli tista’ wkoll tintgħażel bi qbil bejn il-konjuġi, dment li jkun hemm kriterji oġġettivi għal din l-għażla.
3.5 B’dan il-mod, ikun hemm aktar ċertezza u aktar sigurtà f’qasam ta’ spiss kunflittwali, kemm fil-każ tad-divorzju kif ukoll f’dak tas-separazzjoni legali (li ħafna drabi twassal għal proċediment ta’ divorzju). Ir-regoli l-oħra li japplikaw għall-kwistjonijiet matrimonjali huma dawk tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, li huwa fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.
3.6 Għalhekk, il-Kumitat japprova u jappoġġja l-abbozz ta’ Regolament li qed jiġi eżaminat u jixtieq li l-proċedura tal-koperazzjoni msaħħa, li qed tintuża għall-ewwel darba għad li setgħet tintuża sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, fl-aħħar issir proċedura normali li permezz tagħha l-Ewropa tkun tista’ timxi ‘l quddiem f’oqsma li jirrikjedu l-unanimità iżda li għalihom l-unanimità aktarx li ma tkunx tista’ tintlaħaq fil-perijodu qasir; b’hekk ikunu jistgħu jiġu evitati l-ostakli u d-dewmien fl-adozzjoni tal-leġislazzjonijiet jew il-miżuri komuni, u l-pajjiżi li jkunu jixtiequ jiksbu progress fil-koperazzjoni ta’ bejniethom ikunu jistgħu jagħmlu dan anke jekk ma tkunx intlaħqet l-unanimità jew il-kworum.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(2) Il-lista tal-pajjiżi li qed jippromovu l-koperazzjoni msaħħa: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.
(3) L-Artikolu 81(3) jistipula li l-atti leġislattivi proposti fil-qasam tal-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transkonfinali għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, skont proċedura leġislattiva speċjali; dan għandu jaġixxi b’mod unanimu, wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. L-atti li jimplimentaw il-koperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam għandhom jiġu adottati skont ir-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.
(4) Ara ĠU C 24, 31.1.2006, p. 20.
(5) Soġġett għat-tul tal-perijodu tar-residenza (ġeneralment xahar jew sena), fil-waqt tal-ftuħ tal-proċediment.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/170 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni”
COM(2010) 204 finali – 2010/0110 (COD)
2011/C 44/30
Nhar il-31 ta’ Mejju 2010 u nhar it-8 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 46 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni
COM(2010) 204 finali – 2010/0110 (COD).
Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), b’163 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.
Brussell, l-14 ta' Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/171 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar”
COM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD)
2011/C 44/31
Relatur ġenerali: is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL
Nhar il-31 u t-12 ta’ Mejju 2010 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar
COM(2010) 145 finali – 2010/0080 (COD).
Nhar il-25 ta’ Mejju 2010, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.
Minħabba fin-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-15 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sinjura Candelas Sánchez Miguel bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’135 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jqis bħala pożittivi l-miżuri proposti għall-modifika tar-Regolament attwali Nru 861/2006, billi għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-finanzjament tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji xjentifiċi u billi jiffaċilitaw l-oġġettività tal-miżuri li jiġu adottati fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Waqt id-dibattiti dwar ir-riforma tal-PKS ħareġ fid-dieher li hemm bżonn ta’ bażi soda li tiggarantixxi li l-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd taqbel mal-ħtiġijiet reali, sabiex din tkun sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.
1.2 Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom l-għan li jiċċaraw is-sistema ta’ finanzjament tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji xjentifiċi għall-PKS. Barra minn hekk, iwessgħu l-kontenut ta’ dak li wieħed jifhem bi ġbir tad-data billi jirregolaw il-ġestjoni u l-użu tagħha mill-perspettiva taċ-ċertezza legali tal-informazzjoni miksuba. Il-kontroll tad-data min-naħa tal-Istati għandu jgħin biex id-data tintuża b’mod adegwat.
1.3 Fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ funzjonament tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, dan il-finanzjament mhux ser jibqa’ limitat, bħalma kien s’issa, għall-appoġġ tal-fażi ta’ tnedija.
1.4 Barra minn hekk, qiegħed jiġi propost li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura fil-laqgħat tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd.
1.5 Fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi għat-talba u l-kontroll tal-finanzjament, jidher li hemm bżonn li jiġu speċifikati l-pjani pluriannwali tal-Istati Membri u l-approvazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, sabiex jiġu soġġetti għad-dixxiplina baġitarja tal-UE.
2. Daħla
2.1 Il-proposta għal modifika tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandha l-għan li tiċċara l-ambitu ta’ azzjoni tal-miżuri finanzjarji u fuq kollox li ttejjeb il-kontenut ta’ ċerti artikoli dwar l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ kontroll u l-implimentazzjoni tagħhom.
2.2 Il-modifiki previsti jistgħu jinqasmu fi tlieta:
— |
dawk li jikkonċernaw l-iżvilupp tal-qafas leġislattiv; |
— |
dawk li jaffettwaw l-ambitu ta’ applikazzjoni bil-għan li jiġu adattati għall-eżiġenzi attwali; |
— |
dawk li jiċċaraw l-azzjonijiet koperti minn dan ir-regolament li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji dwar il-PKS. |
2.3 Min-naħa l-oħra, u fil-qafas tar-relazzjonijiet internazzjonali fl-ambitu tal-PKS, it-tip ta’ kooperazzjoni huwa ċċarat (bilaterali, reġjonali u multilaterali).
2.4 Hija inkluża wkoll proċedura amministrattiva ġdida għat-talba u l-ipproċessar tal-finanzjament, bi kjarifika dwar kif għandha tiġi applikata u kkontrollata mill-entitajiet stabbiliti għal dan il-għan.
3. Kummenti tal-KESE
3.1 Il-KESE jqis il-modifiki proposti fir-rigward tar-Regolament Nru 861/2006 bħala pożittivi billi jinkludu r-regoli għall-implimentazzjoni futura tiegħu. Ikun partikolarment xieraq li tissemma t-talba għal data u studji xjentifiċi dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-ibħra u l-oċeani tagħna, kif ukoll dik tas-settur tas-sajd, sabiex kull miżura meħuda fir-rigward tal-politika tas-sajd ikollha bażi soda u tiggarantixxi l-użu sostenibbli tar-riżorsi eżistenti.
3.2 Jeħtieġ li tittejjeb mhux biss it-trasparenza iżda wkoll l-użu tal-finanzjament, billi jiġi estiż il-baġit li jista’ jiġi allokat. Il-finanzjament tal-ġbir tad-data u l-kontroll tal-użu tagħha min-naħa tal-Istati Membri għandu jgħin biex ir-riċerka tkun element prinċipali tal-PKS u twassal għal żvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd.
3.3 Il-kontenut tal-proposta jista’ jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-punti li ġejjin:
3.3.1 |
Il-qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data tas-settur tas-sajd u l-appoġġ għall-parir xjentifiku tal-politika komuni tas-sajd. Il-partikolarità tal-proposta hija li l-finanzjament mhuwiex biss dirett lejn l-Istati Membri u l-entitajiet pubbliċi kompetenti iżda wkoll lejn is-settur privat. B’mod ġenerali hija kwistjoni li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-settur xjentifiku privat li llum huwa attiv fil-prattika. Din hija r-raġuni għaliex il-Kumitat jemmen li permezz tal-inklużjoni tiegħu l-leġislazzjoni tkun iktar trasparenti. |
3.3.2 |
Kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi (ftehimiet reġjonali, bilaterali jew multilaterali) fil-ġbir tad-data u t-twettiq tal-istudji. Dan ifisser li jkun hemm kontroll xjentifiku mhux biss tar-riżorsi tas-sajd tagħna, iżda wkoll dawk ta’ reġjuni oħra fejn joperaw il-bastimenti tagħna, sabiex tittejjeb il-valutazzjoni xjentifika u teknika tas-settur tas-sajd u l-kontroll tal-attivitajiet tiegħu. |
3.3.3 |
Finanzjament tal-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura fil-laqgħat tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku tas-Sajd, sabiex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu bl-iktar mod wiesa’ possibbli. Dan il-finanzjament huwa ddeterminat mill-interess speċjali għall-UE. Il-KESE jqis li għandu jingħata rwol ikbar lill-organizzazzjonijiet imsemmija u dan mhux biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ġbir tad-data iżda wkoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet marbutin mas-sajd li huma kompetenza tagħhom u li jikkorrispondu għal titjib tal-PKS. |
3.3.4 |
Proċeduri fil-qasam tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data. Il-modifika tas-Sezzjoni 2 tar-Regolament għandha l-għan li tarmonizza l-proċedura attwali għat-talba ta’ finanzjament biex din taqbel ma’ dik stabbilita fil-programmi pluriannwali tal-Istati Membri, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk il-kontroll finali tal-użu tagħhom jkun soġġett għar-regoli Komunitarji dwar il-monitoraġġ tal-ispejjeż. |
3.4 Fl-aħħar, il-KESE jagħraf li minkejja li hija tiddependi mir-riforma tal-PKS, din il-proposta għal modifika hija siewja, billi tgħin biex jitħaffu l-effetti tajbin li jista’ jkollu l-użu tad-data xjentifika u oġġettiva fil-programmazzjoni tal-miżuri futuri li għandhom jittieħdu ladarba tiġi approvata l-politika l-ġdida, mingħajr ma wieħed jistenna sal-2013. Jiġri x’jiġri, iż-żieda u l-iżvilupp ta’ dawn il-prattiki fil-pajjiżi terzi ser ikollu impatt importanti fuq l-istat tal-ibħra u l-oċeani.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/173 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE”
COM(2009) 538 finali
2011/C 44/32
Relatur: is-Sur LIOLIOS
Nhar il-15 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE
COM(2009) 538 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, vot wieħed kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli għas-sorveljanza marittima integrata lejn il-fehim effettiv tal-attivitajiet kollha mwettqa fuq il-baħar li jista’ jkollhom impatt fuq is-sigurtà, is-sikurezza, l-ekonomija, jew l-ambjent tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri tagħha.
1.2 Il-KESE, fit-teorija, jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet li saru fil-Komunikazzjoni hawn fuq imsemmija u jemmen li l-inklużjoni ta’ regoli dwar it-tixrid u t-trattament tad-data kif ukoll l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll kemm mill-organizzazzjonijiet kollha li qed jipparteċipaw kif ukoll lejn dawn l-istess organizzazzjonijiet ser ittejjeb l-għarfien tal-qagħda fil-qasam marittimu.
1.3 Il-KESE jinnota li l-komunikazzjoni tas-sorveljanza hija kontribut pożittiv għall-problemi ta’ sigurtà li qed jiżdiedu u li qed tiffaċċja l-UE, inklużi l-immigrazzjoni illegali, it-traffikar, il-bejgħ tad-drogi kif ukoll il-protezzjoni effiċjenti u effettiva tal-ambjent u tal-ħajja u l-ġid taċ-ċittadini tal-UE.
1.4 Il-KESE jirrikonoxxi li s-sostenibbiltà tal-politika marittima integrata għall-UE tiddependi mis-sostenibbiltà tal-azzjonijiet ta’ politika tagħha, u fosthom is-sorveljanza marittima integrata mhijiex eċċezzjoni. Għaldaqstant, is-sistema proposta ta’ sorveljanza marittima integrata għandha tinbena b’mod li tipprovdi b’mod sostenibbli data preċiża, fil-ħin, ta’ kwalità u kost effettiva meta u fejn ikun meħtieġ u għar-raġuni preċiża li hi meħtieġa. Għalhekk għandha titqies ukoll l-espansjoni tas-sistema ta’ sorveljanza marittima integrata.
1.5 Il-KESE jappoġġja mekkaniżmu komuni ta’ sorveljanza għall-UE kollha bbażat fuq qafas legali armonizzat bil-għan li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva u mhux sensittiva bejn l-awtoritajiet, l-aġenziji u l-utenti tal-Istati Membri tal-UE.
1.6 Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-dimensjoni internazzjonali tal-qasam marittimu u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards tekniċi u legali u li jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
1.7 Il-KESE jemmen li l-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima teħtieġ kunsiderazzjoni profonda tad-diversi kwistjonijiet legali relatati mal-iskambju tal-informazzjoni miġbura għal skopijiet differenti u minn sorsi differenti. L-Istati Membri għandhom obbligi differenti, u l-kunfidenzjalità tad-data u l-protezzjoni tad-data personali huma kwistjonijiet ewlenin. Għad trid tiġi definita n-natura tad-data involuta, l-iskopijiet (u l-metodi) tal-iskambju u r-riċevituri potenzjali tad-data, is-salvagwardji meħtieġa fir-rigward tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data personali, fejn ikun rilevanti.
1.8 Il-KESE jissuġġerixxi li d-data għandha tixxerred “fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien” sabiex jiġu salvagwardjati l-protezzjoni u l-proliferazzjoni żejda tad-data. Huwa imperattiv ukoll li jiġu definiti l-livelli ta’ kunfidenzjalità kif ukoll il-livell awtoritattiv għall-użu tad-data, permezz tal-iżvilupp ta’ skemi konkreti u trasparenti għall-għoti tad-dritt tal-aċċess.
1.9 Il-KESE jifhem li l-ivvalidar tad-data miġbura huwa kompitu kritiku u diffiċli, u jipproponi l-iżvilupp ta’ qafas li ser jiġbor id-data u jivverifika l-korrettezza tagħha, kif ukoll l-iżgurar tas-sigurtà tal-informazzjoni waqt il-proċess ta’ tixrid.
1.10 Il-KESE jirrakkomanda li għandu jiġu segwit pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza marittima integrata, li juża l-esperjenza ta’ proġetti pilota, gruppi ta’ esperti, u valutazzjoni tal-impatt fit-trattament tal-aspetti legali u tekniċi tal-integrazzjoni tal-informazzjoni.
1.11 Il-KESE jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni nazzjonali uniċi u ta’ ċentru ta’ informazzjoni wieħed għal kull grupp nazzjonali ta’ utenti (komunità) sabiex jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-operabbiltà tas-sorveljanza marittima integrata.
1.12 Filwaqt li jikkunsidra l-bosta sistemi eżistenti, il-KESE jipproponi li jiġi evitat li s-sistemi eżistenti jikkoinċidu sabiex is-sorveljanza marittima integrata ma tibdilx il-mod kif tinġabar l-informazzjoni iżda l-mod kif din tixxered.
1.13 Il-KESE jistieden lill-UE tadotta approċċ ta’ netwerk b’ġestjoni aktar ċentrali fejn il-koordinazzjoni tinkiseb permezz tal-istruttura formali tan-netwerk u komunikazzjoni ċentrali.
1.14 Sabiex ikun salvagwardjat il-proċess ta’ interkonnessjoni tal-komunitajiet tal-utenti, il-KESE jissuġġerixxi li l-UE għandha tiddefinixxi pjattaforma ċara u robusta fir-rigward tal-iskema tal-għoti tal-aċċess, ibbażata fuq fehim komuni tal-UE tal-fehmiet politiċi differenti kif ukoll fuq effettività operattiva. Il-benefiċjarji tad-dritt tal-aċċess provdut għandhom ikunu regolati mir-Regolament tal-UE dwar it-Trasparenza.
1.15 L-arkitettura tas-sistema adottata għandu jkollha linji ta’ reazzjoni (feedback loops) sabiex din tippermetti aġġustamenti u aġġornament billi tuża fost oħrajn il-qafas legali li qed jevolvi.
1.16 Il-KESE jirrakkomanda li l-ġestjoni avvanzata tar-riskju tas-sigurtà għandha tibqa’ prijorità għolja għall-qasam marittimu Ewropew. Għal dan il-għan hija ppreferuta arkitettura mtarrġa li tiżgura l-validità u s-sigurtà tad-data.
2. Daħla
2.1 Fil-15 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE” (COM(2009)538 finali) u b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jagħti opinjoni dwar din il-kwistjoni.
2.2 Fil-Komunikazzjoni tagħha “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li qabel l-2013 “tieħu miżuri biex is-sistema ta’ sorveljanza tkun aktar interoperabbli, ħalli s-sistemi ta’ monitoraġġ u traċċar eżistenti li jintużaw għas-sikurezza u s-sigurtà marittima, għall-ħarsien tal-ambjent tal-ibħra, għall-kontroll tas-sajd, għall-kontroll ta’ fruntieri esterni u għal attivitajiet oħrajn ta’ infurzar tal-liġi jintużaw aktar flimkien”.
2.3 L-UE diġà stabbilixxiet numru ta’ inizjattivi ta’ sorveljanza li jintegraw aktar minn attività settorjali waħda: il-Monitoraġġ tat-Traffiku tal-Bastimenti li jinkludi d-data dwar il-movimenti tal-bastimenti u t-tagħbija jinġabar u jiġi skambjat bejn l-Istati Membri, is-SafeSeaNet (Direttiva 2002/59/KE) (1), li hija skambju ta’ data marittima bejn l-awtoritajiet marittimi tal-Istati Membri bil-għan li jiġu evitati aċċidenti u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll li żżid l-effiċjenza fir-rispons meta jkun hemm inċidenti jew aċċidenti fuq il-baħar.
2.4 Għal dan il-għan jitħaddem il-European Index Server (EIS) filwaqt li bħalissa qed tiġi żviluppata s-sistema STIRES (SafeSeaNet Traffic Information Relay and Exchange System). Barra minn hekk, id-data relatata mat-traffiku marittimu fuq medda qasira qed tinġabar diġà, u fil-futur id-data fuq medda twila ser tkun disponibbli fuq talba miċ-ċentru tal-UE għall-identifikazzjoni fuq medda twila u għall-intraċċar tad-data (EU Long Range Identification and Tracking Data Centre – EU LRIT DC) b’kooperazzjoni mal-Istati Membri (ara r-Riżoluzzjonijiet MSC 202(81) u 211(81) tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali), li jemendaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (SOLAS). Barra minn hekk, bl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) qed tiġi mbassra soluzzjoni ta’ sorveljanza integrata għall-UE.
2.5 Fl-aħħar nett, din il-Komunikazzjoni tikkunsidra l-azzjonijiet l-oħra kollha rilevanti meħuda mill-UE, inkluż il-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX), l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u l-Blue Book għat-Trasport. Fl-istess ħin qed jitniedu żewġ proġetti pilota sabiex, f’reġjun fejn għaddejjin ħidmiet militari attivi, jiġi eżaminat kif l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima tista’ taħdem fil-prattika: wieħed fil-baċir tal-Mediterran u l-ieħor fil-baċir tal-ibħra tal-Ewropa tat-Tramuntana.
2.6 L-għan tal-politika proposta tas-sorveljanza marittima integrata mhuwiex li tinħoloq sistema ta’ sorveljanza oħra, iżda li jitwaqqfu punti ta’ konnessjoni biex imbagħad jiġu integrati s-sistemi eżistenti min-naħa għall-oħra tas-setturi u l-konfini, sabiex titjieb l-effettività tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u tiżdied il-kost effettività tal-azzjonijiet imwettqa fuq il-baħar. Jeħtieġ li l-ħidma lejn l-iżvilupp ta’ netwerk transsettorjali sigur li jista’ jissodisfa r-rekwiżiti li dejjem jiżdiedu għall-provvediment ta’ stampa komuni u rikonoxxuta tħejji bir-reqqa d-drittijiet għall-aċċess u d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà għall-utenti.
2.7 Il-KESE jagħraf li t-twettiq ta’ sorveljanza marittima integrata jinkludi għadd kbir ta’ attivitajiet kumplessi b’għadd ta’ attributi li ħafna drabi jikkoinċidu flimkien, iżda li huma ta’ interess għall-UE kollha kemm hi.
2.8 Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni bħala bażi għall-integrazzjoni tas-sistemi awtonomi eżistenti f’Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni li ser ikun jista’ jappoġġja l-politika futura Ewropea tat-trasport marittimu, jissalvagwardja l-ambjent u s-servizzi tat-tbaħħir għall-kummerċ dinji u dak Ewropew kif ukoll itejjeb il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, b’mod speċjali dawk li jgħixu fiż-żoni konfinali esterni tal-baħar tal-UE.
2.9 Il-KESE juri li din il-Komunikazzjoni waslet fi żmien kritiku mimli sfidi serji li qed jaffettwaw it-trasport marittimu: a) il-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija qed tiggrava l-kriżi strutturali u ċiklika tat-tbaħħir, b) l-immigrazzjoni illegali qed isseħħ b’mod speċjali fil-konfini tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE, c) l-attivitajiet illegali inklużi t-traffikar, u l-kummerċ tad-drogi u l-armamenti, (d) il-materjal sensittiv għall-installazzjonijiet militari u nukleari – dawn kollha jridu jiġu mmoniterjati u konfrontati.
2.10 Il-KESE jenfasizza wkoll il-fatt li l-kwistjonijiet tas-sigurtà u l-piraterija li qed jaffettwaw lis-servizzi marittimi tal-UE u li qed iseħħu f’ibħra mhux tal-UE (jiġifieri l-Afrika tal-Lvant, l-Indonesja, eċċ.) għandhom jiġu indirizzati u kkontrollati.
3. Komunikazzjoni dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima permezz ta’ ambjent komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-qasam marittimu tal-UE
3.1 Kif hemm imsemmi f’opinjoni preċedenti (2), il-KESE “japprova l-proposti li jirrigwardaw in-netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u l-kooperazzjoni mtejba bejn il-gwardji tal-kosta tal-Istati Membri. Miżuri bħal dawn jippromovu s-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-kontroll tas-sajd u l-kontroll tal-fruntieri esterni u jħarsu l-ambjent tal-baħar. […] Il-KESE jtenni li approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-ftehim bilaterali tal-imbark tal-bastimenti ma’ pajjiżi terzi huwa mixtieq sabiex jittejbu l-konsiderazzjonijiet tas-sigurtà. Iħeġġeġ ukoll l-azzjoni mill-UE dwar il-proliferazzjoni ta’ inċidenti ta’ serq armat u l-piraterija fil-baħar tal-bastimenti fix-Xlokk tal-Ażja u fl-Afrika”.
3.2 Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli li bihom l-UE tkun tista’ tikkontribwixxi għall-provvediment ta’ servizzi aktar siguri fil-qasam marittimu. Il-KESE, fit-teorija, jaqbel ma’ din il-komunikazzjoni u jilqa’ aktar irfinar li jista’ jwassal għat-twettiq malajr ta’ sorveljanza marittima integrata.
3.3 Il-Komunikazzjoni dwar strateġija tal-UE għal integrazzjoni aħjar tas-sistemi ta’ sorveljanza tistipula erba’ prinċipji gwida għal żvilupp ta’ ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni, li huma: (1) approċċ li jorbot flimkien il-komunitajiet kollha tal-utenti, (2) il-bini ta’ qafas tekniku għall-interoperabbiltà u l-integrazzjoni futura, (3) skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet pajżana u militari, u (4) dispożizzjonijiet legali speċifiċi biex jitwettaq dan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni. Peress li din il-komunikazzjoni hija fil-livell ta’ prinċipji, l-opinjoni ser tkun limitata għal sett ta’ prinċipji proposti. Madankollu, jibqa’ l-fatt li jkun meħtieġ aktar irfinar biex dawn il-prinċipji jsiru azzjonijiet leġislattivi.
3.4 Il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li minħabba n-natura globali tat-tbaħħir Ewropew, l-għarfien tal-qagħda huwa ta’ importanza sinifikanti minħabba li (a) il-moviment tal-bastiment huwa sistema dinamika spazjali u temporali, (b) l-aspetti ta’ sigurtà, sikurezza, u dawk ambjentali mhumiex limitati għall-konfini, u (c) id-deċiżjonijiet meħudin minn entità waħda jistgħu jaffettwaw sistemi oħra.
3.5 Ta’ min jinnotali hemm żewġ problemi li jridu jiġu solvuti: il-qafas tal-politika pubblika u l-operabilità tas-sistema. L-implimentazzjoni ta’ sorveljanza marittima integrata tista’ tiġi ostakolata minn kunfidenzjalità jew tħassib ieħor fil-livell tal-Istati Membri, u għalhekk is-sorveljanza marittima integrata trid tiġi rfinata biex tkun applikazzjoni li topera sew.
3.6 Il-KESE jikkunsidra li hemm tliet kwistjonijiet kbar fit-twettiq tas-sorveljanza marittima integrata: il-kwistjonijiet legali, dawk tekniċi/teknoloġiċi u dawk maniġerjali. L-iktar kwistjonijiet legali importanti jidhru li huma relatati mal-kunfidenzjalità, fir-rigward tat-taħlita ta’ data personali, ta’ negozju u dik militari. Barra minn hekk il-politiki dwar is-sikurezza tad-data jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw l-iskambju (jew użu ulterjuri) ta’ ċertu data.
3.7 Fir-rigward tal-kunfidenzjalità, id-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ewlenin ta’ monitoraġġ u sorveljanza jikkwalifikaw bħala (kummerċjalment) konfidenzjali ammont sinifikanti ta’ data ta’ rappurtaġġ u sorveljanza marittima. B’konsegwenza ta’ dan, l-ipproċessar ta’ din id-data ser jiġi affettwat mid-dover ta’ kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali tal-persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għal din id-data.
3.8 Is-sistemi attwali huma ta’ natura unisettorjali iżda huma mfixkla minn kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità. Jekk il-qsim tad-data jiġi estiż lil hinn mis-settur dan jista’ joħloq sfidi u kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità minħabba l-firxa ta’ atturi oħra involuti.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Il-KESE jaqbel u jappoġġja l-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni dwar is-sorveljanza marittima integrata.
4.2 Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar analiżi mill-perspettivi ta’ politika, legali, tas-suq u dawk teknoloġiċi li tista’ twassal għal pjan ta’ azzjoni speċifiku għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza marittima integrata, b’enfasi fuq l-isfidi legali u teknoloġiċi. Din l-analiżi ser tiżviluppa pjan direzzjonali speċifiku ta’ implimentazzjoni bi skadenzi preċiżi u tista’ tkun ibbażata fuq esperjenza rilevanti miksuba minn proġetti bħalma huma s-SafeSeaNet, il-Freightwise, l-e-Freight u l-AIS kif ukoll mill-inizjattivi rilevanti kollha.
4.3 Il-KESE jtenni l-importanza tal-analiżi tar-riżultati tal-proġetti pilota li għaddejjin bħalissa qabel ma jittieħdu ċerti deċiżjonijiet. Il-proġetti pilota jridu jkunu mmirati kemm għall-ambjenti ta’ negozju kif ukoll għall-amministrazzjonijiet li joperaw fl-oqsma marittimi rappreżentattivi tal-UE. Barra minn hekk, dawn il-proġetti pilota għandhom ukoll jagħtu rendikont dwar is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien tas-sorveljanza marittima integrata. Għal dan il-għan, it-tnedija ta’ iktar proġetti pilota ser tkun ta’ benefiċċju għall-fehim tagħna tal-kwistjonijiet fl-iżvilupp tas-sorveljanza marittima integrata. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti skadenzi speċifiċi u dawn għandhom jiġu moniterjati sabiex dawn il-proġetti pilota jitlestew fil-ħin.
4.4 Il-KESE jixtieq juri li l-istrateġija għas-sorveljanza marittima integrata tista’ tislet tagħlimiet dwar l-implimentazzjoni tal-iskambju tad-data minn prattiki oħrajn fis-settur tat-trasport, inkluż id-Dokument tat-Trasport Waħdieni1,, li huwa meqjus bħala skema ta’ skambjar ta’ informazzjoni ekwivalenti mill-perspettiva tan-negozju (bħalissa jinħtieġ dokument tat-trasport għall-ġarr tal-oġġetti, (Regolament (KEE) 11/1960 u Direttiva 92/106/KEE); skont il-Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija ser jitwaqqaf Dokument tat-Trasport Waħdieni Ewropew li jkun jista’ jintuża fil-modi kollha tat-trasport u b’hekk jissaħħaħ il-qafas offrut mill-poloz tat-tagħbija multimodali jew manifesti multimodali). Barra minn hekk, l-iskambju tal-informazzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-lingwa li tintuża l-aktar fis-settur marittimu.
4.5 Is-sostenibbiltà tas-sorveljanza marittima integrata għandha tiġi żgurata permezz tad-dispożizzjoni dwar l-espansjoni inerenti sabiex tqis l-integrazzjoni ta’ sistemi awtonomi futuri ta’ sorveljanza.
4.6 Fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni, il-KESE huwa favur il-prinċipju ta’ “ammont ta’ informazzjoni kemm hemm bżonn abbażi tal-ħtieġa tal-għarfien b’konformità mal-kundizzonijiet tal-użu” minflok “ammont ta’ informazzjoni kemm hu possibli”. L-informazzjoni għandha titqassam lill-komunitajiet tal-utenti kollha f’qafas ċar filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali u ta’ data sensittiva oħra wkoll. Barra minn hekk, huwa imperattiv li l-għoti ta’ informazzjoni jkun ikkontrollat lil hinn mill-organizzazzjoni li tingħata l-informazzjoni, jiġifieri li jiġu segwiti l-oqfsa legali tal-UE.
4.7 Fir-rigward tal-aspetti tekniċi, il-KESE jirrakkomanda pjattaformi b’sors miftuħ biex jappoġġjaw it-tfassil, l-iżvilupp, l-iskjerament u l-manutenzjoni ta’ soluzzjonijiet rilevanti. Il-qofol tas-sistema għandu jipprovdi: a) ontoloġija tal-qasam marittimu għall-iskambju awtomatizzat tad-data; b) għodod għat-tfassil, is-simulazzjoni, l-analiżi tal-prestazzjoni u l-ottimizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tas-sorveljanza; c) ir-reġistrar tas-servizzi; d) għodod li jgħinu fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ interoperabbiltà; e) mekkaniżmi għall-iskoperta awtomatizzata u l-integrazzjoni ta’ servizzi adatti; f) interoperabbiltà sigura; u g) mekkaniżmi ta’ kontroll u verifika.
4.8 Il-KESE jaqbel mal-arkitettura mtarrġa proposta tas-sistema. Dan l-approċċ ser jippermetti l-użu tal-arkitettura moderna magħrufa bħala “arkitettura sħaba” (cloud architecture) li bħalissa qed tintuża mill-iżviluppaturi kollha tal-IT. Madankollu, wieħed għandu jiftakar li hemm tendenza li jkun hemm ksur fis-sigurtà ta’ dawn l-arkitetturi u għalhekk għandhom jiġu adottati mekkaniżi addizzjonali ta’ sigurtà. Però, qafas ta’ teħid ta’ deċiżjoni u ta’ aċċess tad-data ġerarkiku intraorganizzattiv jista’ jtejjeb il-kunfidenzjalità tad-data.
4.9 Il-KESE jirrikonoxxi d-disponibbiltà ta’ mezzi teknoloġiċi għall-ġbir, l-omoġenizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ data sinifikanti lill-partijiet interessati kollha u jħeġġeġ lill-UE biex tiddefinixxi pjattaformi komuni biex jintużaw b’mod effettiv mill-partijiet interessati kollha fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-prevenzjoni tad-duplikazzjoni tal-ġbir u l-ħżin tad-data, għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi biex jiġu evitati l-problemi.
4.10 Fir-rigward tal-ewwel prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jipproponi impenn attiv biex jiġu stabbiliti standards u regoli dwar id-data komuni kemm fil-livell settorjali kif ukoll dak funzjonali sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data.
4.11 Minħabba l-fatt li l-qasam marittimu huwa wiesa’, is-sigurtà tad-data tista’ tiddgħajjef potenzjalment minn ambjent flessibbli ta’ skambju ta’ informazzjoni u t-theddida potenzjali li dan jimplika.
4.12 Il-KESE jikkunsidra li l-interoperabbiltà teknika hija importanti u għandha twassal għall-iffaċilitar tal-iskambju tad-data mill-partijiet interessati kollha kemm dawk industrijali kif ukoll dawk governattivi (inklużi l-komunikazzjonijiet minn amministrazzjoni għal amministrazzjoni (Administration to Administration - A2A), minn amministrazzjoni għal negozju (Administration to Business – A2B), u minn negozju għal negozju (Business to Business - B2B)).
4.13 Fir-rigward tat-tielet prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jagħraf li jeħtieġ li ssir aktar analiżi għall-integrazzjoni tal-interkonnessjoni pajżana u militari sabiex id-data tiġi integrata aħjar u jkun iffaċilitat użu aħjar tal-informazzjoni. Il-KESE jaqbel li l-informazzjoni ta’ sorveljanza għandha tinqasam bejn l-awtoritajiet pajżana u dawk militari. Il-KESE jtenni l-ħtieġa għat-twaqqif tal-mandati bażi; għandhom jiġu implimentati standards komuni u proċeduri ta’ operat għall-aċċess għall-informazzjoni rilevanti u għall-użu tagħha sabiex dawn jippermettu li jkun hemm skambju legali ta’ informazzjoni bidirezzjonali fejn l-użu tad-data jkun irregolat mil-liġijiet komunitarji.
4.14 Fir-rigward tar-raba’ prinċipju stipulat fil-Komunikazzjoni, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal aktar analiżi dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-ambitu ta’ dan id-dokument u jħeġġeġ lill-UE biex tikkunsidra mill-ġdid u tadotta l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tad-data sensittiva. Għalkemm dan jimplika piż fuq dan il-proċess, jiġifieri l-bini ta’ sistema bħal din, huwa meqjus bħala prinċipju essenzjali.
4.15 Il-KESE jaqbel mal-approċċ settorjali għall-iskambju ta’ informazzjoni propost fid-Direttiva. Fi kwalunkwe każ għandhom jiġu stabbiliti linji gwida speċifiċi għall-għoti tad-drittijiet ta’ aċċess lill-awtoritajiet kompetenti u lill-persunal awtorizzat.
4.16 Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga iktar l-eżistenza ta’ ftehimiet bilaterali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi u, jekk ikun meħtieġ, tattiva l-infurzar tal-acquis communautaire (ir-Regolament 4055/86 u 4058/86).
4.17 Fir-rigward tal-kwistjoni tad-data ġġenerata mill-ispazju, qed jissemma b’mod speċjali l-GMES (il-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà). Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jara wkoll speċifikament imsemmi fil-Komunikazzjoni l-użu tas-sistema ta’ navigazzjoni Galileo.
4.18 Il-KESE jifhem li l-ipproċessar ta’ data personali għall-militar, is-sigurtà tal-istat u l-infurzar tal-liġi kriminali attwalment għad mhuwiex fil-qafas legali ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ studju dwar l-aspetti legali tal-monitoraġġ marittimu u d-data ta’ sorveljanza (Legal Aspects Of Maritime Monitoring & Surveillance Data – kuntratt finali tar-rapport qafas tas-servizzi, Nru FISH/2006/09 – LOT2), ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar aspetti legali tad-data tas-sorveljanza marittima, li jistqarr b’mod ċar li l-protezzjoni tad-data hija obbligu ta’ importanza estrema għall-UE u li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Huwa mistenni li ser ikunu meħtieġa salvagwardji avvanzati fil-każ li jkun ikkunsidrat l-iskambju ta’ data personali bejn awtoritajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-qafas legali eżistenti għall-protezzjoni tad-data (eż. l-awtoritajiet tas-sajd) u awtoritajiet li (attwalment) jaqgħu barra minn dak l-ambitu (eż. l-awtoritajiet militari, tas-sigurtà tal-istat jew tal-infurzar tal-liġi).
4.19 Il-KESE jikkunsidra bħala importanti ħafna l-iżvilupp ta’ qafas legali li jindirizza kwistjonijiet bħalma huma, fost oħrajn, il-kwalità tad-data, użu ulterjuri tad-data, is-sigurtà tad-data, mekkaniżmi ta’ għoti ta’ aċċess, in-natura tad-data involuta, l-iskopijiet (u l-metodi) tal-iskambju, riċevituri potenzjali tad-data, salvagwardji meħtieġa li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ ċertu data, il-protezzjoni tad-data personali u l-proċeduri rilevanti.
4.20 Il-KESE jemmen li d-data għandha tiġi skambjata fuq il-prinċipju ta’ “xiex, għalfejn, għal kemm u ma’ min”. B’mod speċjali għall-ewwel waħda, huwa importanit li jiġu definiti l-awtoritajiet maħtura li ser ikunu inkarigati mill-kontroll, mit-tqassim u mir-riċeviment tad-data kemm fi ħdan l-UE u b’aktar kawtela mal-awtoritajiet barra mill-UE.
4.21 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima tagħha.
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10-27 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) L-opinjoni tal-KESE dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea,”ĠU C 211, 19.08.2008, p. 31-36.
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/178 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”
COM (2009) 586 finali
2011/C 44/33
Relatur: is-Sinjura DARMANIN
Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku
COM(2009) 586 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ġunju 2010.
Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”. Dan huwa pass ’il quddiem importanti ħafna għall-ksib ta' wieħed mill-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fejn id-dividend diġitali ser jagħmel parti integrali mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.
1.2 Il-KESE fil-fatt jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-iskadenza tal-2012 għal-liberalizzazzjoni tal-ispettru tiġi rrispettata mill-Istati Membri. Il-KESE jifhem li xi pajjiżi jista’ jkollhom diffikultajiet u raġunijiet realistiċi li ma jħalluhomx jirrispettaw skadenza bħal din. Madankollu, għandu jkun hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta' konformità u ż-żmien li jkollhom bżonn wara Jannar 2012 biex jikkonformaw mal-iskadenza għandu jkun qasir kemm jista’ jkun.
1.3 Il-KESE jagħraf li d-dividend diġitali, li jirriżulta mir-riżorsa limitata ħafna li hija l-ispettru, jista’, sakemm l-użu tiegħu jiġi definit b’mod adatt u ggarantit, ikollu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti għall-Ewropa. Dawn il-benefiċċji jkomplu jsaħħu s-suq uniku Ewropew u jistgħu jsaħħu wkoll il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u b’hekk jiżguraw li jinkisbu wħud mill-għanijiet soċjali promossi fi ħdan l-UE.
1.4 Il-KESE jqis li dan il-proġett importanti ħafna għall-Aġenda Diġitali huwa strument b’saħħtu għall-promozzjoni tal-vantaġġi tal-UE. Fi żmien meta x-xettiċiżmu dwar l-UE qed jiżdied, u fejn in-nies ma jifhmux bis-sħiħ il-potenzjal ta' Ewropa magħquda, dan il-proġett jista’ jkun ta' benefiċċju ċar u tanġibbli kemm għall-individwi kif ukoll għall-intrapriżi. Dan il-proġett ser isaħħaħ ukoll il-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-proċess m’għandux iwassal għal spejjeż bla bżonn għall-utent aħħari.
1.5 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi strateġija ta' komunikazzjoni integrata biex tispjega l-motivazzjoni għall-bidla minn analogu għal diġitali u l-benefiċċji tagħha.
2. Introduzzjoni/Kuntest
2.1 Il-bidla minn televixin terrestri analogu għal wieħed diġitali fl-Ewropa ser tagħti aċċess għal frekwenzi tar-radju importanti ħafna minħabba l-effiċjenza akbar tat-trasmissjoni ta' xandir diġitali. Dan “id-dividend diġitali” għandu potenzjal kbir għall-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi.
2.2 Huwa jirrappreżenta opportunità unika għall-Ewropa biex tilħaq id-domanda dejjem tikber għall-ispettru tar-radju, b’mod partikolari għall-provvista ta' broadband bla fili (wireless broadband), u b’hekk tinstab soluzzjoni għall-firda diġitali, u biex jitħeġġeġ it-tħaddin ta' servizzi ġodda. Għalhekk, jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-għanijiet ta' Lisbona marbuta mal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku u jista’ jissodisfa wħud mill-ħtiġijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi importanti taċ-ċittadini Ewropej.
2.3 L-ispettru tad-dividend diġitali għandu jsir disponibbli fl-Ewropa fi żmien relattivament qasir, minħabba li l-Istati Membri għandhom ilestu d-diżattivazzjoni tat-televixin analogu mhux aktar tard mill-2012.
2.4 Il-Kummissjoni għarfet l-importanza tal-infrastruttura tal-broadband b’veloċità għolja għal ħafna mill-iżviluppi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni għal ekonomija diġitali li hija msejsa fuq l-għarfien u li tuża ammont baxx ta' karbonju. Il-Pjan ta' Rilanċ Ekonomiku, approvat mill-Kunsill, diġà stipula mira ta' kopertura ta' broadband ta' 100 % li għandha tinkiseb bejn l-2010 u l-2013.
2.5 Ser jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-innovazzjoni. L-iktar oppotunitajiet ovvji għall-innovazzjoni huma fix-xandir, minħabba li d-dividend diġitali joffri ammonti kbar ta' spettru għax-xandara biex jiżviluppaw is-servizzi tagħhom. Ser ikun hemm ukoll bosta opportunitajiet f’setturi orjentati lejn is-servizzi, li jipprovdu benefiċċji soċjali sinifikanti bħalma huma l-kura tas-saħħa, it-tagħlim permezz tal-internet, il-gvern elettroniku u l-aċċessibbiltà għall-internet, u f’żoni fejn l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju jistgħu jgawdu minn aċċess aħjar għall-ekonomija.
3. Benefiċċji ekonomiċi u soċjali tad-dividend diġitali
3.1 L-impatt ekonomiku potenzjali ser jiddependi mil-livell reali tad-domanda futura attwali għal servizzi ġodda, li diffiċli tiġi kkwantifikata f’dan l-istadju. Minkejja dan, studju reċenti tal-Kummissjoni jistma li l-koordinazzjoni tal-UE fir-rigward tal-ispettru tad-dividend diġitali kollu kemm hu, jekk tinkiseb qabel l-2015, tista’ twassal għal benefiċċju potenzjali ta' bejn EUR 20 u 50 biljun (fuq perijodu ta' 15-il sena) meta mqabbel ma' xenarju fejn il-pajjiżi tal-UE jaħdmu b’mod individwali. Din l-istima tqis il-possibbiltà li jkun hemm applikazzjonijiet ġodda, bħax-xandir terrestri avvanzat u l-broadband bla fili.
3.2 Il-kundizzjonijiet armonizzati fi ħdan l-UE ser ikunu ta' benefiċċju għall-industrija tat-teknoloġija peress li l-biċċa l-kbira tat-tagħmir li jintuża ser jiġi standardizzat u armonizzat. Barra minn hekk, il-potenzjal għall-innovazzjoni fi ħdan is-settur ser jiżdied b’mod konsiderevoli u ser ikun aktar immirat. Dan huwa partikolarment vantaġġuż għall-industrija, l-aktar għal dawk l-atturi li qegħdin jinvestu b’mod sostanzjali fl-innovazzjoni.
3.3 L-impatt soċjali ewlieni tal-liberalizzazzjoni tal-ispettru huwa li kulħadd ikollu aċċess usa’ għall-broadband. Anke llum il-ġurnata, iż-żoni rurali xi kultant ma jkollhomx aċċess adatt għall-internet. Permezz tad-dividend diġitali, l-internet jista’ jkun aċċessibbli għal kulħadd u s-servizzi tal-internet mifruxa aktar, biex b’hekk is-suq intern ikompli jissaħħaħ. Peress li l-broadband ser ikun disponibbli wkoll fil-biċċa l-kbira taż-żoni rurali, il-KESE huwa tal-fehma li l-intrapriżi jkollhom opportunità akbar li ma jesiġux li jkunu f’żoni urbani; dan iwassal għad-delokalizzazzjoni ta' industrija li sal-lum il-ġurnata tinsab f’żoni urbani għal raġunijiet ta' komunikazzjoni u loġistika. Din id-delokalizzazzjoni tista’ twassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda f’żoni rurali u jkollha effett fuq l-ambjent (peress li l-popolazzjoni eċċessiva fiż-żoni urbani ma twassalx għal prattiki sostenibbli). Iżda, il-Kumitat itenni l-pożizzjoni li ħa f’għadd ta' opinjonijiet dwar il-ħtieġa ta' servizz tal-broadband universali għaċ-ċittadini kollha, b’miżuri ta' aċċessibbiltà b’mod li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess bla xkiel.
3.4 L-għażla tal-konsumatur ser titjieb, peress li ser ikun hemm għażla akbar ta' stazzjonijiet televiżivi u servizzi tal-aqwa kwalità, u fl-istess waqt ser jintuża anqas spettru. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-kontenut televiżiv jintwera permezz ta' multimedja mobbli tagħti dimensjoni ġdida lill-aċċessibbiltà televiżiva. Barra minn hekk, id-dividend diġitali ser itejjeb b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-ħajja tal-utenti. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jibqgħu jiġu protetti b’mod adegwat matul il-perijodu tad-Diżattivazzjoni tat-Televixin Analogu – Analogue Switch-Off (ASO) u jiżguraw li l-konsumatur ma jkollux iħallas spejjeż bla bżonn.
3.5 Barra minn hekk, wieħed mill-benefiċċji oħra tad-dividend diġitali huwa li juri l-potenzjal u l-vantaġġi ta' Unjoni unika li l-pajjiżi tagħha għandhom l-istess standards. Fi żmien meta x-xettiċiżmu dwar l-UE qed jiżdied, id-dividend diġitali huwa benefiċċju tanġibbli ieħor li minnu tgawdi l-UE kollha.
4. Konsiderazzjonijiet neċessarji
4.1 Id-diżattivazzjoni tat-televixin analogu u l-attivazzjoni sussegwenti tat-televixin diġitali, bla dubju, ser iwasslu għal użu aħjar tal-ispettru. Fil-fatt, permezz tat-televixin diġitali kull stazzjon tal-frekwenza tar-radju (b’banda ta' 8 MHz) jista’ jxandar medja ta' ħames jew sitt programmi televiżivi. Dan ifisser li wara t-transizzjoni kompleta għat-televixin diġitali, l-ispettru li jintuża għall-finijiet ta' xandir televiżiv għandu jonqos għal wieħed minn ħamsa jew wieħed minn sitta tal-ispettru li kien meħtieġ qabel. Fil-pajjiżi fejn ġew introdotti n-Netwerks ta' Frekwenza Unika (Single Frequency Networks – SFN), it-tnaqqis tal-ispettru jista’ jilħaq saħansitra fattur tan-numru għaxra wara tnedija bl-aħjar mod tad-diversi netwerks televiżivi.
4.2 Bla dubju, l-ispettru lliberat huwa riżorsa prezzjuża, speċjalment f’pajjiżi fejn it-televixin bil-kejbil bilkemm żviluppa u għaldaqstant l-ispettru tal-frekwenza tar-radju huwa tabilħaqq riżorsa limitata. Dan l-ispettru ġdid disponibbli jista’ jintuża bl-aħjar mod għas-servizzi broadband bla fili li huma partikolarment utli għaż-żoni rurali fejn, bla ebda dubju, in-nuqqas ta' servizzi ta' internet b’veloċità għolja jwassal għal inerzja ekonomika u esklużjoni soċjali. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn is-servizzi ser iservu biex isaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta' dawn iż-żoni.
4.3 Jista’ jagħti l-każ li r-raġuni għall-bidla mit-televixin analogu għal dak diġitali ma ġietx spjegata b’mod ċar fil-passat. Il-pubbliku jista’ jaħseb li din il-bidla qed issir purament għall-qligħ kummerċjali tal-operaturi tat-televixin peress li jista’ jkun hemm spiża involuta fit-tibdil tat-tagħmir fid-djar. Għaldaqstant, huwa kruċjali li titfassal u tiġi implimentata strateġija ta' komunikazzjoni ġenwina sabiex tiġi spjegata r-raġuni reali għal din il-bidla.
4.4 Huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha jkollhom banda komuni biex ikun hemm servizz universali fl-UE kollha u liċ-ċittadini Ewropej kollha. L-aħjar għażla hija l-banda 800 MHz (800 MHz band) li tinsab fis-sottobanda UHF 790-862 MHz.
4.5 Il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) hija responsabbli għat-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armonizzazzjoni tal-banda 800 MHz, b’kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali li jafu sew il-kwistjonijiet attwali fir-rigward tal-ispettru f’pajjiżhom.
4.6 Sabiex il-banda 800 MHz tinfetaħ għall-komunikazzjoni broadband bla fili jeħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw il-proċedura ASO sa data partikolari. Jidher li l-iskadenza attwali, sal-1 ta' Jannar 2012, mhux ser tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha; iżda, hemm bżonn li dawk li ma jikkompletawx il-proċedura jagħmlu dan fi żmien qasir fis-sena 2012.
4.7 Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja kritika tagħhom, bosta operaturi tat-televixin, li bħalissa huma mġiegħla jattivaw trasmettituri tat-televixin diġitali fl-Istati Membri li qed jimplimentaw l-ASO, ma jistgħux jixtru tagħmir li għandu prestazzjoni tajba (li tipikament jiġi manifatturat fl-UE). F’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, ikollhom jixtru tagħmir tax-xandir li jkun irħas iżda bi prestazzjoni aktar baxxa u li jkun anqas affidabbli, li tipikament jiġi manifatturat fil-Lvant imbiegħed. Konsegwentement, dan it-tagħmir jista’ ma jkunx għadu jintuża wara sentejn jew tliet snin biss u għaldaqstant ix-xandara jkollhom, għal darb’oħra, jixtru tagħmir tax-xandir ġdid (bit-tama li jkun aktar affidabbli u jkollu prestazzjoni ogħla).
4.8 Fix-xenarju ekonomiku attwali, l-operaturi tat-televixin, b’mod partikolari l-operaturi ż-żgħar, jistgħu jkunu qed isibuha diffiċli jiffinanzjaw it-tibdil tat-tagħmir li titlob il-bidla mit-televixin analogu għal dak diġitali. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jitwaqqfu ċerti strutturi ta' prefinanzjament biex jgħinu lill-SMEs jadattaw ruħhom għat-teknoloġiji l-ġodda. Din l-għajnuna mhux neċessarjament tingħata f’forma ta' konċessjonijiet; tista’ tkun marbuta mad-disponibbiltà tal-fondi qabel l-investiment li mbagħad jingħata lura wara ċertu perijodu raġonevoli, bħalma jiġri fis-self. Barra minn hekk, l-SMEs għandhom jiġu megħjuna f’dan il-qasam permezz ta' skemi ta' garanzija.
4.9 Ir-riżultat globali jista’ jkun kwalità baxxa ta' servizz tat-televixin għall-utenti finali u telf ekonomiku għax-xandara li, minħabba diffikultajiet finanzjarji temporanji, ikollhom jinvestu darbtejn. Skadenza itwal għall-proċess ASO jew għajnuna finanzjarja għax-xandara jevitaw dawn il-problemi u jippermettu implimentazzjoni armonizzata tan-netwerk fl-Istati Membri kollha.
4.10 L-Istati Membri ser jitħeġġu jilliberaw is-sottobanda 790-862 MHz għad-dividend diġitali, iżda mhux ser ikunu obbligati li jagħmlu dan. Jekk is-sitwazzjoni tal-ispettru ta' pajjiż partikolari tkun tali li s-servizzi tax-xandir tat-televixin ma jkunux jistgħu jiddaħħlu fil-bqija tal-ispettru UHF, il-pajjiż ikkonċernat jitħalla jżomm is-servizzi tax-xandir tat-televixin fil-banda 800 MHz. Bħala soluzzjoni ta' kompromess, il-pajjiżi jistgħu jagħżlu wkoll li joperaw simultanjament servizzi ta' xandir tat-televixin u ta' broadband bla fili.
4.11 Peress li, wisq probabbli, l-Istati Membri kollha ser jużaw il-banda 800 MHz għas-servizzi tal-broadband bla fili fuq perijodu twil ta' żmien, huwa essenzjali li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi adegwati bil-għan li jiġu evitati “effetti konfinali” dannużi li ċertament jagħmlu ħsara lis-servizzi tal-broadband bla fili minħabba l-livelli aktar baxxi ta' potenza (lower power levels) użata għan-netwerks ċellulari bla fili.
4.12 Tqum l-istess problema meta jkunu involuti l-pajjiżi mhux imsieħba fl-UE li jinsabu mal-fruntieri tal-UE. F’dawn il-pajjiżi, is-servizzi tax-xandir b’potenza għolja fil-banda 800 MHz wisq probabbli ser jikkaġunaw interferenza fir-rigward tas-servizzi tal-broadband bla fili adottati mill-pajjiżi ġirien tal-UE. Meta titfaċċa problema ta' interferenza ma' pajjiż ġar li mhuwiex imsieħeb fl-UE, l-unika soluzzjoni hija li jiġi nnegozjat ftehim ma' dak il-pajjiż dwar l-allokazzjoni tal-frekwenza tat-trasmettituri televiżivi tagħhom li jinsabu fil-fruntiera mal-UE, għalkemm din tista’ tkun kwistjoni xejn faċli.
4.13 L-aħjar objettiv possibbli għall-Istati Membri tal-UE li jadottaw il-banda 800 MHz għall-finijiet tad-dividend diġitali huwa li jistabbilixxu bilanċ adatt bejn il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali ġġenerati mill-użu tal-ispettru li jagħmlu l-operaturi fil-qasam tat-telekomunikazzjoni (li ser igawdu mill-medda ta' frekwenza ġdida li tkun disponibbli) u l-operaturi fil-qasam tax-xandir (li ser igawdu minn użu aħjar tal-medda ta' frekwenza disponibbli u minn servizzi oħra li jipprovdu valur mizjud għoli, pereżempju l-applikazzjonijiet interattivi, fosthom is-servizzi elettroniċi fl-oqsma tas-saħħa u t-tagħlim, il-gvern elettroniku u l-aċċessibbiltà elettronika).
4.14 L-Istati Membri għandhom iħabirku biex jimplimentaw is-servizzi pubbliċi permezz tan-netwerk televiżiv diġitali u fl-istess ħin jagħmluha possibbli li jkun hemm aċċess faċli għas-servizzi permezz tas-servizzi l-ġodda tal-broadband mobbli, li nħalqu bis-saħħa tal-frekwenzi tad-dividend diġitali. Jekk jagħmlu dan, il-politiki tagħhom joperaw b’mod newtrali, u b’hekk jiġu ggarantiti l-interessi ekonomiċi tal-operaturi kemm fil-qasam tat-telekomunikazzjoni kif ukoll f’dak tax-xandir.
4.15 Aspett interessanti ħafna tal-implimentazzjoni tad-dividend diġitali ġdid huwa l-fatt li s-servizzi televiżivi ser ikunu dejjem iżjed disponibbli permezz ta' ġenerazzjonijiet ġodda tan-netwerks tat-telefonija mobbli (3G u ’l fuq). Dan ifisser li, f’ċerti modi, l-operaturi fil-qasam tat-telefonija mobbli jkunu jistgħu joffru l-istess servizzi bħal dawk li jiġu pprovduti mis-servizzi tax-xandir televiżiv tradizzjonali, u dan jagħti lok għal xenarju kompetittiv ġdid.
Ikun tajjeb, però, li tiġi evitata l-implimentazzjoni ta' netwerks ibridi li huma mmaniġġati simultanjament mill-operaturi fil-qasam tax-xandir u dawk fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. B’hekk, iż-żewġ intrapriżi jkunu jistgħu jibqgħu kompletament indipendenti u jiġu evitati mudelli ta' negozju li ma jkunux adatti għall-ħtiġijiet tal-konsumatur.
4.16 L-applikazzjonijiet interattivi li jistgħu jiġu pprovduti mix-xandara tat-televixin fi ħdan il-programmi diġitali ġodda li joffru jistgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi ta' kwalunkwe standard għas-servizzi televiżivi interattivi. Madankollu, ikun aħjar li jintużaw teknoloġiji bħall-istandard MHP (Multimedia Home Platform), standard miftuħ tas-sistema tal-middleware li nħolqot permezz tal-proġett DVB għat-televixin diġitali interattiv, peress li hija teknoloġija Ewropea li hija wkoll kompletament miftuħa. Għalhekk, hija teknoloġija li ma teħtieġ l-ebda royalty u toffri benefiċċji ekonomiċi lill-operaturi u, fuq kollox, lill-utenti finali. Jeżistu teknoloġiji oħra, iżda jkun aħjar li jingħażel standard miftuħ, ikun liema jkun, bil-għan li l-utent finali jkollu aċċess għal din it-teknoloġija ġdida.
4.17 L-aktar mod effiċjenti għall-ksib tal-ASO fl-UE huwa permezz ta' kooperazzjoni kkoordinata bejn l-Istati Membri bil-għan li jsir skambju kontinwu ta' esperjenza, b’mod partikolari fil-qasam tal-ippjanar tan-netwerk televiżiv diġitali u f’dak tal-aktar livell għoli possibbli tal-effiċjenza tal-ispettru (spectrum efficiency). Fil-fehma tagħna, ix-xandara pubbliċi nazzjonali għandhom jaqdu rwol fundamentali f’dan l-iskambju fi ħdan l-UE. Fil-fatt, l-“istatus pubbliku” tagħhom jimplika li għandhom jipprovdu servizz pubbliku. Għalhekk, l-operaturi televiżivi nazzjonali fil-qasam tax-xandir pubbliku għandhom ikunu disponibbli biex jipprovdu servizzi ta' konsulenza lill-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi oħra, kemm dawk imsieħba fl-UE kif ukoll dawk li mhumiex. Wieħed mill-benefiċċji tipiċi ta' dan l-approċċ huwa taħriġ rapidu u effettiv għall-operaturi televiżivi fl-Istati Membri ġodda, li normalment ikunu għadhom fi stadju bikri tal-iżvilupp tan-netwerks tat-televixin diġitali tagħhom.
4.18 Wieħed mill-elementi li għandu jiġi kkunsidrat fil-proċess tal-ftuħ tal-banda 800 MHz għas-servizzi l-ġodda tal-broadband bla fili huwa li x-xandara tat-televixin li attwalment qed jittrasmettu permezz tal-banda VHF jista’ jkollhom ibiddlu għall-banda UHF (id-data għad trid tiġi deċiża) f’każ li l-kanali tal-VHF korrispondenti jintużaw mid-Digital Audio Broadcasting (DAB – sistema ta' trasmissjoni radjofonika diġitali). Fiha nnifisha, it-transizzjoni lejn ir-radju diġitali mhux ser tikkontribwixxi għad-dividend diġitali għax għad mhux ċar jekk it-trasmissjoni tradizzjonali permezz ta' sinjal analogu radjofoniku hux ser tiġi diżattivata. Barra minn hekk, anke jekk tiġi diżattivata, il-porzjon tal-banda li jiġi lliberat għall-użu huwa żgħir wisq biex ikun ta' kontribut sinifikanti għad-dividend diġitali. Madankollu, is-servizzi l-ġodda tad-DAB ċertament ser jużaw l-istess banda VHF li qed jużaw bħalissa l-operaturi tat-televixin, u għalhekk din il-kwistjoni ser tikkontribwixxi iżjed għall-kompressjoni tal-ispettru fil-kanali 21-60 tal-banda UHF.
4.19 Ta’ min jinnota wkoll li, fil-proċess tal-ftuħ tal-banda 800 MHz għas-servizzi l-ġodda, ix-xandara tat-televixin li attwalment qed jużaw il-kanali 61-60 (fil-banda 800 MHz) ser ikollhom jużaw kanal ieħor fil-banda UHF, filwaqt li x-xandara li bħalissa qed jużaw il-kanali 21-60 mhu ser ikunu obbligati jbiddlu xejn. Dan huwa żvantaġġ ċar għax-xandara li qed jużaw il-banda 800 MHz u ser jeħtiġilhom jinvestu ħin u flus. Fl-istess ħin, ser jiġġiegħlu jiddiżattivaw it-trasmettituri tagħhom matul it-tibdil tal-kanali, u għalhekk ser ikollhom l-iżvantaġġ ukoll li, għal ċertu ammont ta' żmien, jitilfu r-reklamar ta' waqt ix-xandir. Għalhekk, għal dawn ix-xandara żvantaġġjati, il-prinċipju bażiku tal-ekwità jitlob li tiġi pprovduta għajnuna finanzjarja, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat.
4.20 Sabiex jinkiseb l-aktar livell għoli possibbli fl-effiċjenza tal-ispettru, huwa rakkomandat bil-qawwi li t-teknoloġiji l-ġodda adottati (bħall-enkowdjar tal-MPEG-4 u d-DVB-T2) jagħmluha possibbli li jaħżnu [jew jittrasmettu] aktar programmi televiżivi f’banda inqas wiesgħa. Fl-istess ħin, l-adozzjoni ta' dawn it-teknoloġiji ġodda m’għandux ikollha impatt qawwi fuq l-ispejjeż tal-utenti finali, inkella l-aċċessibbiltà universali tas-servizzi l-ġodda tintlaqat ħażin ħafna.
4.21 Teknoloġija oħra utli b’mod li r-riżorsi (skarsi) tal-ispettru jintużaw bl-aħjar mod possibbli hija l-implimentazzjoni tan-Netwerks ta' Frekwenza Unika. Permezz ta' din it-teknoloġija, jista’ jiġi implimentat netwerk reġjonali permezz ta' frekwenza unika, filwaqt li għan-netwerks tradizzjonali bi frekwenzi multipli, hemm bżonn mill-inqas tlieta jew erba’ frekwenzi għal netwerks televiżivi ta' daqs medju. Sabiex tintuża frekwenza unika, it-trasmettituri kollha tan-netwerk iridu jkunu sinkronizzati permezz ta' referenza komuni tal-ħin. L-uniku metodu li qed jintuża bħalissa huwa s-sistema tal-GPS (Global Positioning System), li hija applikazzjoni militari mmaniġġata kompletament mill-Istati Uniti. Dan ifisser li n-netwerks televiżivi diġitali tal-SFN huma 100 % dipendenti minn din is-sistema, li tista’ titbiddel jew tiġi diżattivata fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet Amerikani, u dan joħloq problema kbira għal dawn l-operaturi televiżivi.
4.22 Madankollu, il-GPS mhuwiex l-unika sistema li tippermetti s-sinkronizzazzjoni tan-netwerks. Hemm sistemi alternattivi oħra li jistgħu jkunu sors ta' sinkronizzazzjoni komuni. L-UE tista’ timpenja ruħha biex tlesti malajr kemm jista’ jkun il-proġett GALILEO, li jista’ jkun l-alternattiva Ewropea għall-GPS u li għandu jippermetti l-indipendenza sħiħa tal-Istati Membri tal-UE mis-sistema militari tal-Istati Uniti.
4.23 Waħda mis-sistemi proposti b’mod li jsir l-aħjar użu mill-banda tad-dividend diġitali hija li jintuża tagħmir tal-broadband bla fili intelliġenti li jkun kapaċi jfittex awtomatikament għall-bandi liberi tal-frekwenza tar-radju (anke bejn is-servizzi tax-xandir televiżiv attwali) u biex il-bandi disponibbli jintużaw b’mod dinamiku permezz ta' osservazzjoni kontinwa tal-frekwenza matul l-operazzjoni normali tagħhom. Dawn is-sistemi (magħrufa bħala “radju konoxxittiv” [cognitive radio]) żgur huma s-soluzzjoni teknika perfetta biex isir l-aħjar użu possibbli mid-dividend diġitali, iżda l-periklu huwa li l-ispejjeż finali għall-utent jiżdiedu tant li ma jkunx possibbli li jkun hemm aċċessibbiltà universali għad-dividend diġitali.
4.24 Sabiex il-banda 800 MHz tkun tista’ tinfetaħ kompletament għas-servizzi l-ġodda tal-broadband bla fili, is-sistemi kollha tat-trasmissjoni b’potenza baxxa użati fl-avvenimenti sportivi jew dawk tad-divertiment (is-sistemi tal-“mikrofoni bla fili”) għandhom jitmexxew lejn frekwenzi ’l barra minn din il-banda bil-għan li ma jkunx hemm interferenza li tagħmel ħsara lis-servizzi l-ġodda tad-dividend diġitali. Tipikament, dawn is-sistemi għandhom użu sekondarju fi spettru li ma jkunx qed jintuża u li jkun fadal bejn żewġ żoni attivi ta' kopertura għax-xandir. Xi wħud minn dawn is-sistemi huma għal użu professjonali (eż. dawk li jintużaw fil-Logħob Olimpiku jew matul kunċerti tal-mużika uffiċjali) u jużaw porzjonijiet tal-ispettru UHF li jkollu liċenzja regolari. Bosta sistemi oħra joperaw taħt awtorizzazzjoni globali li ma teħtiġx liċenzji individwali. Għalhekk, għandha tiġi ppjanata bir-reqqa regolazzjoni ta' dawn is-servizzi li tkun kkoordinata fil-livell tal-UE bil-għan li jiġi evitat li l-banda tad-dividend diġitali ma tiddgħajjifx permezz ta' interferenzi residwi fl-ispettru anke wara li tkun irnexxiet id-diżattivazzjoni tat-televixin analogu.
4.25 Sitwazzjoni delikata oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-preżenza tas-servizzi militari tal-UHF f’ċerti Stati Membri u/jew f’ċerti pajjiżi ġirien li mhumiex imsieħba fl-UE. Dawn is-servizzi ser ikunu sors ieħor ta' interferenza għas-servizzi l-ġodda tal-komunikazzjoni tad-dividend diġitali. Għandhom isiru negozjati għaqlija mal-awtoritajiet militari tal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li dawn is-servizzi eżistenti jiġu ttrasferiti lejn porzjonijiet differenti tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju.
Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
11.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/182 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini”
COM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)
2011/C 44/34
Relatur ġenerali: is-Sinjura Anne-Marie SIGMUND
Nhar is-27 ta’ April 2010 u nhar id-19 ta’ Mejju 2010 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew, li jitolbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni dwar
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini
COM(2010) 119 finali – 2010/0074 (COD)
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2010 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2010), li jaħtar lis-Sinjura Anne-Marie SIGMUND bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’155 vot favur u 4 voti kontra.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat jilqa’ l-prinċipji fundamentali tal-Proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-approċċ fi tliet stadji: ir-reġistrazzjoni formali, il-kontroll tal-ammissibbiltà tal-kontenut u l-valutazzjoni politika.
1.2 Il-Kumitat jara r-rwol tiegħu f’żewġ fażijiet: l-ewwel nett, bħala “faċilitatur” għall-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu se jingħataw bidu biex jippermetti li dawn jibnu netwerk bejniethom, eventwalment jiltaqgħu, eċċ., u t-tieni nett bħala għajnuna istituzzjonali, billi jappoġġja l-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta’ inizjattiva li tirnexxi permezz ta’ tħejjija ta’ opinjoni, l-organizzazzjoni ta’ seduti, eċċ. Barra minn dan, il-Kumitat ser jipparteċipa wkoll fil-kampanji ta’ informazzjoni.
1.3 Madankollu, il-Kumitat jipproponi, fost affarijiet oħra, li jittejbu l-aspetti li ġejjin:
— |
għandha ssir referenza ċara anke għall-valuri tal-Unjoni bħala raġuni għaliex tiġi rifjutata reġistrazzjoni; |
— |
għandhom jitneħħew id-diversi numri ta’ identifikazzjoni meta tiġi ffirmata inizjattiva; |
— |
għandha ssir referenza għall-post fejn jgħixu l-persuni li jappoġġjaw l-inizjattiva bħala prinċipju għall-klassifikazzjoni tagħhom; |
— |
it-tul ta’ żmien għandu jitwal għal 18-il xahar; |
— |
għandu jiġi żviluppat open source software għall-ġbir onlajn; |
— |
in-numru minimu ta’ Stati Membri għandu jitnaqqas għal ¼; |
— |
il-kworum għall-kontroll tal-ammissibbiltà għandu jitnaqqas għal 50 000 firmatarju; |
— |
ir-regolament għandu jiġi rivedut wara tliet snin; |
— |
għandha titwaqqaf kooperazzjoni interistituzzjonali. |
2. Introduzzjoni
2.1 Il-Kumitat jilqa’ l-prinċipji fundamentali tal-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Din l-opinjoni tikkomplementa l-opinjoni adottata nhar is-17 ta’ Marzu 2010 dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (Artikolu 11)” (1) u tindirizza biss dawk il-punti li l-Kumitat jikkunsidra li għad jistgħu jittejbu.
2.2 Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni b’mod speċjali għall-objettiv tal-Konvenzjoni Ewropea, li fil-kuntest tal-“ħajja demokratika tal-Unjoni” riedet toħloq strument li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jinfluwenzaw id-definizzjoni tal-aġenda politika b’mod ugwali għall-Parlament u l-Kunsill.
3. Bidliet mixtieqa fil-Proposta għal Regolament
3.1 Reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta (Artikolu 4)
3.1.1
Il-Kumitat jilqa’ b’mod ċar l-approċċ fi tliet stadji propost mill-Kummissjoni
— |
reġistrazzjoni formali ta’ inizjattiva, |
— |
kontroll legali tal-ammissibbiltà wara li jintlaħaq il-kworum, kif ukoll |
— |
valutazzjoni politika ta’ inizjattiva li tirnexxi. |
Ma jidhirx li jagħmel sens li, kif ġie propost minn naħat differenti, il-kontroll tal-ammissibbiltà jsir mar-reġistrazzjoni ta’ proposta għaliex b’hekk jittardja u jixxekkel il-bidu ta’ ċerti proposti. B’dan il-mod ukoll, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tiġi akkużata li għamlet valutazzjoni ex-ante jew, saħansitra, li qed tuża ċ-ċensura.
F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li l-inizjattiva taċ-ċittadini mhix biss element innovattiv, trans-Ewropew u demokratiku dirett, iżda tirrappreżenta wkoll mezz essenzjali ħafna ta’ komunikazzjoni biex jiġi mħeġġeġ id-dibattitu politiku Ewropew. B’hekk biss ikun possibbli li fid-diskors Ewropew jiddaħħlu proposti u ideat mill-aktar varjati, li mingħajr din l-inizjattiva qatt ma kienu ser jilħqu l-istadju tal-ġbir tal-firem, u dan fih innifsu diġà huwa ta’ valur.
3.1.2
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata (Anness II). Dan huwa fl-interess li jkun hemm l-akbar trasparenza possibbli u b’hekk li tiġi aċċettata l-inizjattiva proposta. Però, id-deċiżjoni dwar jekk tissemmiex jew le l-bażi legali għandha titħalla f’idejn l-organizzaturi, u m’għandhiex tintalab bilfors.
3.1.3
Il-Kumitat jikkunsidra li l-kriterji indikati fl-abbozz (“mhux adatti”, “abbużivi”, “neqsin mis-serjetà”) bħala raġunijiet għaliex tiġi rifjutata reġistrazzjoni m’għandhomx saħħa eżekuttiva fil-qrati. Barra minn hekk, dawn il-kunċetti jħallu flessibbiltà kbira wisq fl-interpretazzjoni tagħhom.
Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li fir-reġistrazzjoni formali jiġi ċċekkjat b’mod amministrattiv biss
— |
jekk il-proposta għal inizjattiva tirrispettax l-“unità tal-kwistjoni”, jiġifieri ma tipprovax iddaħħal diversi kwistjonijiet differenti fi proposta waħda; |
— |
li ma jkun fiha xejn li jinfama persuni individwali jew gruppi ta’ persuni; |
— |
li ma tiksirx il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-valuri tal-Unjoni (Artikolu 2 TUE). |
3.1.4
Naturalment, b’mod ġenerali għandu jitħares id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41, Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Meta tiġi rifjutata reġistrazzjoni, l-organizzaturi jistgħu, b’rabta ma’ dan, jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew, kif ukoll naturalment, bħala l-aħħar mezz, jappellaw. Il-Kumitat jemmen li dan għandu jiġi ċċarat għall-inqas fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni sabiex ir-Regolament ikun aktar trasparenti.
3.1.5
Il-Kumitat jemmen li r-rabta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li ġiet promossa minn bnadi differenti, hija żejda. Ikun xi jkun il-każ, il-kontroll ser isir mill-Kummissjoni jekk din tiddeċiedi li tressaq proposta legali fuq il-bażi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini.
3.2 Ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ (Artikolu 5)
3.2.1
Fil-fehma tal-Kumitat, fil-formola proposta (Anness III) tintalab wisq informazzjoni personali, u b’hekk ikun ħafna aktar diffiċli li ċ-ċittadini jkunu lesti jiffirmaw. Għalhekk il-Kumitat huwa kontra li jintalbu dawn in-numri ta’ identifikazzjoni. Huwa improbabbli li n-nies li jkunu għaddejjin mit-triq u jkunu konvinti minn kwistjoni, joħorġu l-passaport mill-but jew inkella jkollhom numru ta’ identifikazzjoni f’rashom. Il-Kumitat jagħmel referenza wkoll għall-opinjoni negattiva tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2) rigward din il-kwistjoni.
Billi mhux l-Istati Membri kollha jirrikjedu jew jużaw dawn in-numri ta’ identifikazzjoni u billi fi Stati Membri differenti jintalbu dokumenti differenti (3), dan se jiftaħ it-triq biex jibdew jintalbu dettalji differenti u b’hekk ma jiġux applikati l-istess kundizzjonijiet għall-ġbir tal-firem. Il-prinċipju tat-trattament ugwali taċ-ċittadini Ewropej b’hekk ma jiġix irrispettat. L-għan għandu jkun li jkun hemm proċedura uniformi.
Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat huwa biżżejjed li jintalbu d-dettalji meħtieġa għall-kontroll tal-identifikazzjoni, jiġifieri l-isem, l-indirizz, id-data tat-twelid u ċ-ċittadinanza. Flimkien ma’ dan issir stqarrija fuq l-unur li l-inizjattiva ġiet iffirmata darba biss.
3.2.2
B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-UE għandhom jingħaddu b’konformità mal-prinċipju tar-residenza, fil-pajjiżi fejn huma jgħixu, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE bir-residenza f’pajjiż terz jiġu kklassifikati skont in-nazzjonalità tagħhom.
3.2.3
Fil-fehma tal-Kumitat, it-tul ta’ żmien ta’ 12-il xahar mitlub mill-Kummissjoni huwa qasir wisq sabiex titlesta b’suċċess inizjattiva pan-Ewropea. Għalhekk, isostni li t-tul ta’ żmien għandu jkun ta’ 12-il xahar.
3.3 Sistemi ta’ ġbir onlajn (Artikolu 6)
Il-KESE jilqa’ biċ-ċar il-possibbiltà prevista tal-ġbir onlajn, u jaqbel mal-Kummissjoni li l-iżgurar ta’ din il-possibbiltà jeħtieġ tħejjijiet bl-akbar reqqa. Billi madwar id-dinja għad ma teżisti l-ebda sistema komparabbli għall-ġbir tal-firem fil-proċessi tal-inizjattiva (għall-kuntrarju tal-petizzjonijiet tal-massa li mhumiex legalment vinkolanti), fil-fehma tal-Kumitat għandhom jiġu eżaminati l-aspetti li ġejjin:
— |
Il-Kummissjoni trid tippromovi l-iżvilupp ta’ open source software għall-inizjattivi onlajn u tagħmlu disponibbli b’mod ġenerali. |
— |
L-organizzaturi tal-inizjattiva għandhom jiċċertifikaw dan is-software fl-Istat Membru fejn tkun qed tinħażen id-data miġbura bil-għajnuna tas-sistema ta’ ġbir onlajn. |
— |
Għandu jsir kontroll effiċjenti wkoll permezz ta’ elementi ta’ identifikazzjoni elettronika oħrajn, bħal pereżempju l-ittra elettronika ta’ verifika. |
— |
Il-firmatarju jkun jista’ jikkonferma li ffirma darba biss permezz ta’ kaxxa li wieħed ikun jista’ jikklikkja fiha. |
3.4 Numru minimu ta’ firmatarji għal kull Stat Membru (Artikolu 7)
3.4.1
Il-KESE jsostni l-proposta tiegħu ta’ 1/4 tal-Istati Membri. B’hekk jiġi applikat l-istess prinċipju li jitqies fit-twaqqif ta’ partiti Ewropej (4) sabiex il-Parlament u ċ-ċittadinanza jinżammu f’livell ekwivalenti. Ma jistax ikun li f’inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ikun hemm ostakli akbar milli fir-reġistrazzjoni ta’ partit Ewropew.
3.4.2
Il-Kumitat jilqa’ biċ-ċar is-sistema proposta ta’ numru minimu ta’ firmatarji (Anness I) u l-approċċ tal-proporzjonalità digressiva tagħha. B’konformità mal-prinċipju tar-residenza (ara punt 3.2.2), il-persuni b’ċittadinanza doppja jew iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor għandhom jingħaddu fil-pajjiż li jiddikjaraw li jgħixu fih. Fil-prattika l-każi li jista’ jkun hemm ta’ firem doppji jistgħu jiġu limitati ħafna, u b’hekk l-istrument kollu ma jiġix iddubitat.
3.5 Deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ inizjattiva taċ-ċittadini proposta (Artikolu 8)
3.5.1
Il-Kumitat jappoġġja l-approċċ fi tliet stadji tal-Kummissjoni. Madankollu, in-numru propost mill-Kummissjoni ta’ 300 000 firma għall-kontroll tal-ammissibbiltà huwa kbir wisq. Dan jirrappreżenta sforz konsiderevoli għall-organizzaturi. Il-frustrazzjoni tkun kbira ferm għall-firmatarji jekk isiru jafu li l-inizjattiva mhijiex ammissibbli.
Il-kontroll tal-ammissibbiltà għandu jsir wara li jintlaħqu l-50 000 firma minn tliet Stati Membri (mingħajr verifika) u għandu jitlesta f’mhux aktar minn xahrejn. Matul dan il-perijodu, l-organizzaturi jistgħu jkomplu jiġbru l-firem.
3.6 Dispożizzjonijiet għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ mill-Istati Membri (Artikolu 9)
Il-Kumitat jappoġġja l-ammissibbiltà tal-kampjuni aleatorji fil-valutazzjoni.
3.7 Sottomissjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni (Artikolu 10)
Bil-għan li jkun hemm l-akbar trasparenza possibbli, kull firmatarju għandu jkun jista’ jinforma ruħu dwar min huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-inizjattiva. Għalhekk, il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li meta jippreżenta l-firem, l-organizzatur jagħti wkoll l-informazzjoni dwar il-forom ta’ finanzjament u appoġġ tal-inizjattiva taċ-ċittadini inkwistjoni.
3.8 Proċedura ta’ eżaminazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni (Artikolu 11)
3.8.1
Il-Kumitat jitlob li l-inizjattivi taċ-ċittadini jiġu ttrattati bl-istess mod mill-Kummissjoni bħall-inizjattivi proposti mill-Parlament jew mill-Kunsill skont l-Artikoli 225 u 241 tat-TFUE rispettivament. Għalhekk għandu jkollhom l-istess valur.
3.8.2
Billi l-inizjattiva taċ-ċittadini tal-UE hija wkoll mezz ta’ komunikazzjoni, li għandu jippromovi d-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-Kummissjoni tal-UE, wara li tiġi ppreżentata inizjattiva taċ-ċittadini li tirnexxi għandha tiġi organizzata seduta pubblika. Il-KESE huwa lest li jgħin f’dan ir-rigward u/jew li jorganizza tali seduta; b’hekk ikun qed jassumi r-rwol tiegħu ta’ pont bejn l-UE u ċ-ċittadini.
3.8.3
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif se tipproċedi għandha tiġi indirizzata wkoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
3.9 Klawsola ta’ reviżjoni (Artikolu 21)
Minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza b’dan l-istrument transnazzjonali ġdid, il-Kumitat jirrakkomanda li dan ir-Regolament jiġi rivedut wara tliet snin. Hawnhekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ukoll.
3.10 Dħul fis-seħħ tar-Regolament (Artikolu 22)
Il-Kumitat jappoġġja ż-żmien propost mill-Kummissjoni għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, anke jekk pereżempju ma jkunux għadhom ġew stabbiliti d-dettalji kollha tal-ġbir ta’ firem onlajn. L-istennijiet taċ-ċittadini rigward dan l-istrument il-ġdid huma tant għoljin li għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.
3.11 Kwistjonijiet miftuħa oħra
3.11.1
Il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li inizjattiva taċ-ċittadini li tkun qabżet il-50 000 firma biex tiġi aċċettata għall-kontroll amministrattiv, għandha tingħata ċertu appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni.
3.11.2
Il-Kumitat huwa tal-fehma li malli tiġi reġistrata inizjattiva, is-sommarju qasir tal-kwistjoni (skont l-Anness II, dan b’kollox jammonta għal 800 karattru biss) għandu jiġi tradott mis-servizzi tal-Kummissjoni għal-lingwi uffiċjali kollha.
Wara li jinġabru l-ewwel 50 000 firma u l-inizjattiva tiġi aċċettata b’mod formali, il-Kummissjoni għandha tintrabat li tittraduċi t-test reġistrat kollu tal-inizjattiva għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
4. Proposti speċifiċi tal-KESE
Il-Kumitat jagħmel referenza għall-offerta li ressaq fl-opinjoni msemmija hawn fuq tas-17 ta’ Marzu 2010, li hija ppreżentata b’mod aktar preċiż hawn taħt.
4.1 |
Komunikazzjoni u informazzjoni Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ kampanja ta’ informazzjoni dettaljata hekk kif jidħol fis-seħħ ir-Regolament. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jaqblu u jaħdmu id f’id. Il-Kumitat diġà qed jaħdem fuq fuljett ta’ informazzjoni, li ser jispjega u jfiehem l-opportunitajiet il-ġodda ta’ din l-inizjattiva liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li ser jindirizza wkoll il-konsultazzjoni u d-dibattitu ċivili. Barra minn hekk, il-Kumitat qed jippjana konferenza mal-partijiet ikkonċernati hekk kif ir-Regolament jiġi adottat. Jista’ jkun hemm ukoll inizjattivi oħra li jkunu diretti, pereżempju, lejn l-iskejjel sabiex jiġu sensibilizzati l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. |
4.2 |
Kooperazzjoni interistituzzjonali Huwa importanti li l-persunal tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE inkarigat mill-inizjattiva taċ-ċittadini jiftiehem u jikkoordina ruħu sewwa, sabiex jissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni taċ-ċittadini b’mod effiċjenti. Dan l-effett ta’ sinerġija, fir-rispett tal-kompetenzi rispettivi, fil-fatt huwa meħtieġ jekk wieħed irid li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun strument effettiv għas-servizz tal-mudell Ewropew ta’ demokrazija moderna. |
4.3 |
Parteċipazzjoni tal-Kumitat Il-Kumitat jara r-rwol tiegħu f’żewġ fażijiet differenti:
|
Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) Opinjoni tal-21 ta’ April 2010 dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (Sors: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/).
(3) Approċċ ġenerali għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (10626/2/10 REV 2).
(4) Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f’livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01, Volum 04, p. 500-503).