ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.024.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 24

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
26ta' Jannar 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

2011/C 024/01

Deċiżjoni

1

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 024/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

2011/C 024/03

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2011 twaqqif ta' grupp ta’ esperti tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment

3

2011/C 024/04

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkulazzjoni

5

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2011/C 024/05

Aġġornament tal-ammonti ta' referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU C 247, 13.10.2006, p. 19; ĠU C 153, 6.7.2007, p. 22; ĠU C 182, 4.8.2007, p. 18; ĠU C 57, 1.3.2008, p. 38; ĠU C 134, 31.5.2008, p. 19; ĠU C 37, 14.2.2009, p. 8; ĠU C 98, 29.4.2009, p. 11; ĠU C 35, 12.2.2010, p. 7; ĠU C 304, 10.11.2010, p. 5)

6

2011/C 024/06

Informazzjoni mil-Latvja dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

7

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 024/07

Avviż ta’ inizjazzjoni ta' proċedura tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

8

2011/C 024/08

Avviż ta' Tnedija ta' reviżjoni ta' skadenza u ta' reviżjoni tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

14

2011/C 024/09

Avviż ta' tmiem ta' investigazzjoni ta' salvagwardja li tnediet skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009, dwar importazzjonijiet ta' modems bla wajers ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN)

19

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 024/10

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5976 – Lufthansa Technik/Panasonic Avionics/Idair JV) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

20

2011/C 024/11

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6071 – INEOS/INEOS NOVA) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

21

 

Rettifika

2011/C 024/12

Rettifika għall-festi pubbliċi fl-2011 (ĠU C 12, 15.1.2011)

22

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/1


DEĊIŻJONI

2011/C 24/01

IS-SEGRETARJU ĠENERALI TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej stipulati mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill u emendati l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 tal-Kunsill, u b’mod partikolari, l-Artikolu 30 ta’ dawn ir-Regolamenti,

Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau dwar l-għażla tal-Awtorità tal-Ħatra emendata l-aħħar fis-26 ta’ Ottubru 2004,

Wara li kkunsidra l-avviżi tal-kompetizzjonijiet u tar-reklutaġġ,

PE/94/A, PE/95/A, PE/96/A, PE/97/A, PE/98/A, PE/99/A, PE/66/S, PE/67/S, PE/72/S, PE/80/S, PE/91/S, PE/97/S, PE/99/S, PE/101/S, PE/103/S, PE/104/S, PE/106/S, A/94, A/95, A/96, EUR/A/167, EUR/A/169, EUR/LA/156, EUR/LA/157, PE/34/B, PE/69/S, B/174, B/175, B/176, PE/133/C, PE/134/C, C/348, AST/1/2005, AST/1/2006,

Wara li kkunsidra l-avviż tal-Kumitat konġunt maħruġ waqt il-laqgħa tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010,

IDDEĊIEDA

Artikolu 1

Il-perjodu ta’ validità tal-listi ta’ riserva tal-kompetizzjonijiet u tar-reklutaġġ Nri:

PE/96/A, PE/97/A, PE/80/S, PE/99/S, PE/101/S, PE/103/S, PE/104/S, PE/106/S, A/94, A/95, A/96, PE/69/S, B/174, B/175, B/176, C/348, AST/1/2005 u AST/1/2006,

se jiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 2

Il-perjodu ta’ validità tal-listi ta’ riserva tal-kompetizzjonijiet u tar-reklutaġġ Nri:

PE/94/A, PE/95/A, PE/98/A, PE/99/A, PE/66/S, PE/67/S, PE/72/S, PE/91/S, PE/97/S, EUR/A/167, EUR/A/169, EUR/LA/156, EUR/LA/157, PE/34/B, PE/133/C u PE/134/C,

ma jiġġeddidx.

Magħmula fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Diċembru 2010.

Klaus WELLE

Segretarju Ġenerali


Il-Kummissjoni Ewropea

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-25 ta’ Jannar 2011

2011/C 24/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3596

JPY

Yen Ġappuniż

112,08

DKK

Krona Daniża

7,4539

GBP

Lira Sterlina

0,86200

SEK

Krona Żvediża

8,9074

CHF

Frank Żvizzeru

1,2871

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,8480

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,222

HUF

Forint Ungeriż

275,22

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7028

PLN

Zloty Pollakk

3,8755

RON

Leu Rumen

4,2605

TRY

Lira Turka

2,1294

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3724

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3595

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,5967

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7810

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7442

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 524,95

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,6065

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,9498

HRK

Kuna Kroata

7,4093

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 305,86

MYR

Ringgit Malażjan

4,1536

PHP

Peso Filippin

60,624

RUB

Rouble Russu

40,5200

THB

Baht Tajlandiż

42,100

BRL

Real Brażiljan

2,2734

MXN

Peso Messikan

16,4593

INR

Rupi Indjan

62,3037


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Jannar 2011

twaqqif ta' grupp ta’ esperti tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment

2011/C 24/03

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/75/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi grupp espert dwar il-prezzijiet ta' trasferiment (1) twaqqaf grupp ta’ esperti msejjaħ Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment. Dik id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Marzu 2011.

(2)

Il-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment twaqqaf informalment fl-2002. Minn dakinhar, ipprovda għal forum ta’ diskussjoni utli bejn l-Istati Membri u s-settur privat li wassal lill-Kummissjoni biex tipproponi żewġ Kodiċijiet ta’ Kondotta li ġew adottati sussegwentement mill-Istati Membri fil-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat bosta dokumenti bbażati fuq ix-xogħol tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment.

(3)

Minħabba l-importanza tal-kwistjonijiet tat-taxxa tal-prezzijiet ta' trasferiment bħala kwistjoni tas-Suq Intern, l-esperjenza pożittiva mal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment fl-assistenza u l-pariri li jagħti lill-Kummissjoni, u l-ħtieġa kontinwa tal-Kummissjoni ta' korp bħal dan, hu meħtieġ li jitwaqqaf grupp ġdid ta' esperti tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment biex ikompli x-xogħol tal-forum u biex jiddefinixxi l-ħidmiet u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment għandu jgħin u jagħti parir lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet tat-taxxa relatati mal-prezzijiet ta' trasferiment.

(5)

Il-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment għandu jkun magħmul minn esperti tas-setturi governattivi u privati fil-qasam tal-prezzijiet ta' Trasferiment. Wieħed jixtieq ukoll li tiġi introdotta l-possibbiltà li l-Membri jiġu ssostitwiti sabiex jibqa' jkun hemm rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-oqsma relevanti tal-kompetenza u dawk ta' interess.

(6)

Għandu jkun hemm dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp, li tkun bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif imniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (2).

(7)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (3).

(8)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/75/KE għandha tiġi revokata.

(9)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-rakkomandabbiltà ta’ estensjoni,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Is-suġġett

Il-grupp ta’ esperti msejjaħ Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment, minn hawn ’il quddiem “il-grupp” huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

(1)

il-ħolqien ta' pjattaforma fejn l-esperti mill-qasam tan-negozju u tal-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali jistgħu jiddiskutu l-problemi dwar il-prezzijiet ta' trasferiment li jiffurmaw ostakoli għall-attivitajiet tan-negozju transkonfinali fl-Unjoni;

(2)

l-għoti ta' parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-pezzijiet ta' trasferiment;

(3)

li jassisti lill-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet prattiċi, kompatibbli mal-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Prezzijiet għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Amministrazzjonijiet tat-Taxxa, sabiex ikun hemm applikazzjoni iżjed uniformi tar-regoli tal-prezzijiet ta' trasferiment fl-Unjoni.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prezzijiet ta' trasferiment.

2.   Il-President tal-grupp jista’ jagħti parir lill-Kummissjoni biex tikkonsulta l-Grupp fuq xi kwistjoni speċifika.

Artikolu 4

Is-sħubija u l-ħatra

1.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn:

(a)

rappreżentant minn kull Stat Membru;

(b)

16-il rappreżentant mis-settur privat;

(c)

President.

2.   Il-membri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jinħatru mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Dawn il-membri għandhom ikunu persuni fis-servizz ċivili li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' prezzijiet ta' trasferiment.

3.   Il-membri mis-settur privat għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ tat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali minn fost speċjalisti bl-esperjenza u l-kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) u li wieġbu għas-sejħa għall-applikazjjonijiet.

4.   L-applikanti meqjusa bħala xierqa għas-sħubija iżda li ma nħatrux jistgħu jitniżżlu fuq lista ta’ riżerva, li l-Kummissjoni tista’ tuża għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet.

5.   Il-membri jinħatru għal perjodu ta' sentejn. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew jispiċċalhom il-mandat. Il-mandat tal-membri jista' jiġġedded.

6.   Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:

(a)

meta l-membru jirreżenja;

(b)

meta l-membru ma jkunx għadu kapaċi aktar li jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(c)

meta l-membru ma jimxix mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 339 tat-Trattat;

(d)

meta l-membru ma jkunx indipendenti minn kwalunkwe influwenza minn barra;

(e)

meta l-membru jonqos milli javża lill-Kummissjoni fi żmien xieraq dwar kunflitt ta’ interess;

(f)

meta jkun mixtieq sabiex tinżamm rappreżentanza bbilanċjata tal-oqsma relevanti tal-kompetenza u dawk ta' interess.

7.   Il-membri tas-settur privat għandhom jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

8.   L-ismijiet ta' individwi maħtura f'kapaċità personali għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti u entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-“Reġistru”, kif ukoll fuq websajt iddedikata.

9.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

It-tħaddim

1.   Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Tassazzjoniu u Unjoni Doganali għandu jaħtar il-President tal-grupp.

2.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-grupp jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza definiti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jagħti status ta' osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet kif inhu definit fir-regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta' esperti, l-aġenziji tal-UE u l-pajjiżi tal-adeżjoni. B'mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati u mis-Segretarjat tal-OECD jistgħu jkunu mistiedna bħala osservaturi.

4.   Il-membri tal-gruppi ta’ esperti u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi li jkunu mistiedna għandhom iħarsu l-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli implimentattivi taggħom, kif ukoll ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà marbutin mal-ħarsien ta' tagħrif ikklassifikat tal-UE, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom. Fil-każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.

5.   Il-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom isiru f'bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi tas-segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp jew is-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

7.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni relevanti dwar l-attivitajiet li jwettaq il-grupp, jew billi tinkludiha fir-Reġistru jew billi tpoġġiha fuq websajt iddedikata.

Artikolu 6

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, l-ispejjeż għall-għajxien li jkunu ġarrbu dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

3.   Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2007/75/KE hija revokata.

Artikolu 8

L-applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2015.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 189.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/5


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkulazzjoni

2011/C 24/04

Image

Il-wiċċ nazzjonali ta' munita kommemorattiva ġdida taż-żewġ euro intenzjonata għaċ-ċirkulazzjon u maħruġa mill-Ġermanja

Muniti tal-euro intenzjonati għaċ-ċirkulazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona tal-euro kollha. Għall-iskop li jiġi infurmat il-pubbliku u l-partijiet kollha li jimmaniġaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u, il-pajjiżi li laħqu ftehim monetarju mal-Komunità li jipprovdi għal ħruġ ta' muniti tal-euro, għandhom il-permess joħorġu muniti tal-euro kommemorattivi intenzjonati għaċ-ċirkulazzjoni, sakemm jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet, partikolarment li tintuża biss id-denominazzjoni taż-żewġ euro. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħal muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom juri desinn kommemorattiv b'valur simboliku għoli f'termini nazzjonali jew Ewropew.

Pajjiż tal-ħruġ

:

Il-Ġermanja

Suġġett tal-kommemorazzjoni

:

Nordrhein-Westfalen

Deskrizzjoni tad-desinn

:

Id-desinn juri l-kattidral ta' Kolonn sħiħ, bħala opera tal-arti tal-arkitettura Gotika u jenfażizza s-sbuħija tal-portal li jħares lejn in-nofsinhar. L-isem NORDRHEIN-WESTFALEN, taħt il-bini, jorbot il-bini muri mal-Istat. Il-marka taz-zekka, irrappreżentata bl-ittra A, D, F, G jew J, tinsab fil-parti ta' fuq fil-lemin taż-żona ċentrali filwaqt li l-inizjali tal-artist, Heinz Hoyer jinsabu fil-parti ċentrali fuq il-lemin.

Iċ-ċirku ta' barra tal-munita juri t-tnax-il stilla tal-bandiera tal-Unjoni Ewropea. Bejn l-istilel, isfel, is-sena “2011” u fuq nett l-indikazzjoni tar-referenza tal-pajjiż tal-ħruġ “D”.

Volum tal-ħruġ

:

30 miljun munita

Data tal-ħruġ

:

Jannar 2011


(1)  Għall-uċuħ nazzjonali l-oħra tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkulazzjoni, ara http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/cash/coins/index_en.htm

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ekonomiku u tal-Affarijiet Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-ewro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/6


Aġġornament tal-ammonti ta' referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU C 247, 13.10.2006, p. 19; ĠU C 153, 6.7.2007, p. 22; ĠU C 182, 4.8.2007, p. 18; ĠU C 57, 1.3.2008, p. 38; ĠU C 134, 31.5.2008, p. 19; ĠU C 37, 14.2.2009, p. 8; ĠU C 98, 29.4.2009, p. 11; ĠU C 35, 12.2.2010, p. 7; ĠU C 304, 10.11.2010, p. 5)

2011/C 24/05

Il-pubblikazzjoni ta' ammonti ta' referenza għall-qsim tal-fruntieri esterni, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) hija bbażata fuq l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Minbarra l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, aġġornament ta' kull xahar huwa disponibbli fuq is-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

SPANJA

Sostituzzjoni tal-informazzjoni ppubblikata fil-ĠU C 35, 12.2.2010

L-Ordni tal-Ministeru tal-Presidenza (PRE/1282/2007) tal-10 ta' Mejju 2007 dwar il-mezzi finanzjarji li għandu jkollhom il-barranin biex jidħlu fi Spanja tispeċifika l-ammont li l-barranin irid ikollhom prova dwaru li jkun jinsab disponibbli lilhom sabiex ikunu jistgħu jidħlu fi Spanja.

(a)

Għall-ispejjeż tas-soġġorn tagħhom fi Spanja, l-ammont li għandu jkollhom disponibbli jrid jirrappreżenta, f'euro, 10 % tal-paga minima nazzjonali grossa (EUR 64,14 għall-2011) jew l-ekwivalenti legali f'munita barranija mmultiplikata bin-numru ta' ġranet li jkunu se jqattgħu fi Spanja u bin-numru ta' persuni dipendenti li jkunu qed jivvjaġġaw magħhom. L-ammont minimu għad-dispożizzjoni tagħhom irid jirrappreżenta 90 % tal-paga minima nazzjonali grossa (EUR 577,26 għall-2011) jew l-ekwivalenti legali f'munita barranija għal kull persuna, irrispettivament minn kemm ikun bi ħsiebhom idumu.

(b)

Għar-ritorn tagħhom lejn l-istat tal-oriġini jew għat-tranżitu minn pajjiż terz, il-barranin irid ikollhom biljett f'isimhom, mhux trasferibbli u b'data fissa jew biljetti għall-mezzi ta' trasport li jkunu qed jippjanaw li jużaw.

Il-barranin irid ikollhom prova li għandhom il-mezzi biex jgħixu msemmija hawn fuq, jew billi juruhom jekk dawn il-mezzi jkunu flus kontanti, jew billi jipproduċu ċekkijiet iċċertifikati, ċekkijiet tal-vjaġġaturi, irċevuti jew karti tal-kreditu, flimkien ma’ ċertifikat tal-bank riċenti (ittri mill-bank jew ċertifikati bankarji tal-Internet mhumiex aċċettabbli) jew billi jipprovdu prova oħra li turi b'mod ċar l-ammont ta' kreditu disponibbli fil-karta tal-kreditu jew fil-kont bankarju.


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/7


Informazzjoni mil-Latvja dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

2011/C 24/06

Skont l-Anness II, it-Taqsima II.2.8 għad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi, ir-Repubblika tal-Latvja informat lill-Kummissjoni li:

Skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II, it-Taqsima II.2.8 għad-Direttiva 2008/68/KE l-Latvja tuża l-Anness II tal-SMGS dwar it-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-ferroviji minn u lejn partijiet kontraenti fl-OSJD lil mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/8


Avviż ta’ inizjazzjoni ta' proċedura tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-aċidu ossaliku li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2011/C 24/07

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-aċidu ossaliku, li joriġinaw mill-Indja u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fit-13 ta' Diċembru 2010 mill-Kunsill Ewropew tal-Industrija Kimika (CEFIC) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-aċidu ossaliku.

2.   Prodott li qiegħed jiġi investigat

Il-prodott suġġett ta' din l-investigazzjoni huwa l-aċidu ossaliku, kemm jekk fil-forma diħidrata (in-numru CUS 0028635-1 u n-numru CAS 6153-56-6) kif ukoll fil-forma anidra (in-numru tal-CUS 0021238-4 u n-numru tal-CAS 144-62-7) u jekk hux f'soluzzjoni akwea jew le (“il-prodott investigat”).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Indja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2917 11 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tagħha mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Indja. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

L-allegazzjoni ta’ dumping għall-pajjiż ikkonċernat hija bbażata fuq tqabbil tal-valur domestiku mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell tal-ħruġ tax-xogħol mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġini ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi esportaturi kkonċernati.

4.   Allegazzjoni ta' ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt l-investigazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni sejra teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Il-produtturi esportaturi tal-prodott (3) li qiegħed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna li jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

(a)   Teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f'dan il-proċediment u biex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal numru raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw rwieħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzoni (“PI”) bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) separatament u f'totali,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f’tunnellati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mibjugħ fis-suq domestiku matul il-PI, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2010,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha involuti (5) fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

kull informazzjoni relevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba sabiex jimlewhom u b’hekk jasserixxu marġini individwali ta’ dumping skont it-Taqsima (b) hawn taħt.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, ser jitqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif relevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun sejrin ikollhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kumpaniji li kienu aċċettaw l-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun”). Bla ħsara għat-Taqsima (b) hawn taħt, id-dazji anti-dumping li jistgħu jiġu applikati fuq l-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, ma għandhomx jaqbżu l-marġni medju b’piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku.

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġini individwali ta’ dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont it-Taqsima (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati hawn taħt. Il-kwestjonarju mwieġeb u komplut għandu jitressaq fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni individwali ta’ dumping għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jew għall-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi jkun tant kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Il-proċedura fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ Pajjiż b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament l-Indja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jissottomettu talba sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal MET”). Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jingħata jekk l-evalwazzjoni tat-talba għat-TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (6) huma ssodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw MET se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (7). Il-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jissejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt hawn fuq.

(a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (MET)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ applikazzjoni għal-MET lill-produtturi esportaturi kollha magħżula fil-pajjiż ikkonċernat biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw li jixtiequ japplikaw għal marġini individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu MET għandhom jissottomettu formola ta’ talba għal TES mimlija fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għal TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għal MET bit-taqsimiet relevanti għal TI mimlija kif xieraq fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   Investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (8)  (9)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’din il-proċedura u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010 tal-prodott importat li qiegħed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiżi ikkonċernati,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha involuti (10) fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull informazzjoni relevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, ser jitqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi tagħrif relevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa sejrin jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jkun fih tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni ta’ ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħrufa u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni immedjatament, bil-faks jew b’ittra elettronika, mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u biex jitolbu kwestjonarju.

Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija (jew kumpaniji) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minħabba f’hekk, sejra tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-utenti tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fl-istess limitu ta' skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qiegħed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza fattwali meta titressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta' skadenza speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluż it-tagħrif sottomess għall-għażla tal-kampjuni, il-formoli mimlija għat-talba tal-MET, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (11).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi injorata.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directoratet H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22967621

Posta elettronika: TRADE-AD-OXALIC-ACID@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-uffiċjal tas-smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn terzi persuni għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Tali smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (12).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ intern jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit.

(5)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossiedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali.

(6)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabbiltà bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabbiltà u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemmx distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(7)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(8)  L-importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(9)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.

(10)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5.

(11)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(12)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/14


Avviż ta' Tnedija ta' reviżjoni ta' skadenza u ta' reviżjoni tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2011/C 24/08

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għar-reviżjoni

It-talba intbagħtet fis-27 ta' Ottubru mill-produtturi li ġejjin (“l-applikanti”): Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie S.r.l. u Comercial Quimica Sarasa s.l. li jirrapreżentaw parti sostanzjali tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-aċidu tartariku, f'dan il-każ 50 %.

2.   Il-prodott

Il-prodott taħt reviżjoni huwa l-aċidu tartariku, eskluż l-aċidu tartariku D-(-)- b'rotazzjoni ottika negattiva ta' mill-anqas 12,0 gradi, imkejjel f'soluzzjoni ta' ilma skont il-metodu deskritt fil-Farmakopea Ewropea, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), u li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM ex 2918 12 00 (kodiċi TARIC 2918120090).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ attwalment huma dazju definittiv tal-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2008 (4) (“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006”).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-issoktar ta’ dumping u l-issoktar ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, l-applikant iffissa l-valur normali għall-produtturi li jesportaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ma ngħatawx trattament ta' ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ abbażi tal-prezzijiet ta' bejgħ domestiku f'pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa, li hu msemmi fil-punt 5.1.(d). Għal dawk il-kumpaniji li ngħataw trattament tal-ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni, il-valur normali ġie stabbilit abbażi ta' valur normali maħdum fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-allegazzjoni ta' ssoktar ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil ta' valur normali, kif stabbilit fis-sentenzi preċedenti, mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jkun mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.

Fuq din il-bażi, il-marġni ta' dumping li ġew ikkalkolati huma sinifikanti.

L-applikanti ipprovdew evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie mressqa mill-applikanti turi li, fost konsegwenzi oħrajn, il-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat komplew iħallu impatt negattiv fuq is-sehem tas-suq miżmum, il-kwantitajiet mibjugħin u l-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-Proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping u tal-ħsara.

L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk hux probabbli jew le li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-issoktar ta' dumping u l-issoktar ta' ħsara.

(a)   It-teħid ta’ kampjuni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' partijiet involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta’ kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid ta' kampjuni għall-esportaturi/produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi huwiex meħtieġ li jittieħdu kampjuni u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

 

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks, u l-persuna ta’ kuntatt,

 

l-introjtu fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (5) separatament u f'totali,

 

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fuq is-suq domestiku waqt il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010,

 

l-introjtu fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ lil pajjiżi terzi oħrajn waqt il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010,

 

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

 

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (6) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew għas-suq domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

 

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Barra minn hekk, biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, se tikkuntattja lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lil kull għaqda magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid ta’ kampjuni għall-importaturi

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

 

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

 

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

 

il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010 tal-prodott ikkonċernat importat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

 

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (7) involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

 

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Barra minn hekk, Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-importaturi, il-Kummissjoni, se tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

(iii)   It-teħid tal-kampjuni għall-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tan-numru kbir ta' produtturi tal-Unjoni li jappoġġjaw it-talba, il-Kummissjoni biħsiebha tinvestiga l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni billi tapplika t-teħid ta' kampjuni.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni hux neċessarju u, jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi kollha tal-Unjoni, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma mitluba b'dan li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

 

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks, u l-persuna ta’ kuntatt,

 

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott simili (imanifatturat fl-Unjoni),

 

il-valur f'EUR tal-bejgħ tal-prodott simili li sar fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010,

 

il-volum f’tunnellati tal-bejgħ tal-prodott simili li sar fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010,

 

il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati ta' prodott simili matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010,

 

il-volum f'tunnellati importat fl-Unjoni, tal-prodott ikkonċernat immanifatturat fil-pajjiż kkonċernat waqt il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-31 ta' Diċembru 2010, jekk huwa applikabbli,

 

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (8) involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott simili (immanifatturat fl-Unjoni) u l-prodott ikkonċernat (immanifatturat fil-pajjiż ikkonċernat),

 

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija taqbel mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibilità tal-inklużjoni tagħha fil-kampjun, titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Barra minn dan, Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis neċessarja għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni ser tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni.

(iv)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jibagħtu xi tagħrif rilevanti dwar l-għażla tal-kampjuni, għandhom jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati li wrew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejbiet ibbażati fuq il-fatti disponibbli jistgħu jkunu inqas vantaġġjużi għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni magħżula għall-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fl-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula għall-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ esportaturi/produtturi, lill-importaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat.

(c)   Il-ġbir tat-tagħrif u l-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif flimkien mal-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, kemm-il darba dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha titressaq fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(iii).

(d)   L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Fl-investigazzjoni ta’ qabel, l-Arġentina ntużat bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa għall-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipprevedi li terġa’ tuża lill-Arġentina għal dan l-għan. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkummentaw dwar kemm hu xieraq dan il-pajjiż, fil-limitu taż-żmien speċifiku stipulat fil-punt 6(c).

5.2.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-probabbiltà li jissokta d-dumping u li jkun hemm konferma tal-kontinwazzjoni tal-ħsara, għandu jkun stabbilit jekk ikunx kontra l-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri antidumping. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista' tibgħat kwestjonarji lill-importaturi tal-industrija tal-Unjoni magħrufa, l-għaqdiet rappreżentanti tagħhom, l-utenti rappreżentanti u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-konsumatur. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx bihom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii). Il-partijiet li jkunu aġixxew f’konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ, waqt li jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Għandu jkun innotat li kull tagħrif sottomess skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku sejjer jiġi kkunsidrat biss jekk ikun sostnut minn evidenza fattwali fil-mument meta jiġi sottomess.

6.   Il-limiti ta' żmien

(a)   Limiti ta’ żmien ġenerali

Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Il-partijiet interessati kollha li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali, għandhom jitolbu kwestjonarju jew formoli ta’ talba oħrajn mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom, u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Biex l-appelli tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati kollha għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jirrikjedi li l-parti tippreżenta lilha nnifisha matul il-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji li jintgħażlu f'kampjun għandhom jissottomettu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-punt 6(b)(iii).

Is-smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

(b)   Il-limitu ta’ żmien speċifiku fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

It-tagħrif speċifikat fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kull informazzjoni oħra rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iv) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet li jkunu ġew inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(c)   Limitu speċifiku ta' żmien għall-għażla ta' pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar kemm hija xierqa l-għażla tal-Arġentina li, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), hija prevista bħala l-pajjiż b'ekonomija tas-suq biex ikun stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku u n-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inklużi t-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitati” (9) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b'verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u jintużaw il-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   Skeda tal-investigazzjonI

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi din ir-reviżjoni ta' skadenza qed tkun imnedija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet li jirriżultaw minnha mhumiex se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jiġu rrevokati jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti fil-proċediment tħoss il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li l-livell tal-miżuri jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas), dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu reviżjoni ta’ din ix-xorta, li titwettaq indipendentement mir-reviżjoni ta’ skadenza msemmija f’dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li jidher hawn fuq.

11.   Reviżjoni tal-miżuri eżistenti għal Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006, ir-rata tad-dazju għal Hangzhou Bioking Biochemical Engineering Co., Ltd (“Hangzhou Bioking”) hija ta' 0 %.

Fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-Messiku – Ċanga u Ross (10), l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri imposti fuq Hangzhou Bioking bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006 ma għadx hemm lokha u r-Regolament (KE) Nru 130/2006 għandu jiġi emendat skont dan. Għalhekk għandha ssir reviżjoni fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 130/2006 sabiex tħalli li ssir kull emenda meħtieġa fid-dawl tar-rapport tal-Korp ta' Appell Il-Messiku – iċ-Ċanga u r-Ross.

Għalhekk, il-Kummissjoni hawnhekk tagħti bidu, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1515/2001, għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 130/2006.

12.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Jekk jogħġbok kun af li kull informazzjoni personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (11).

13.   L-uffiċjal tas-smigħ

Qed tinġibed l-attenzjoni wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’din il-proċedura, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU C 211, 4.8.2010, p. 11.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 23, 27.1.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 1.

(5)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

(6)  Għal gwida dwar it-tifsira ta’ kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(7)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 5.

(8)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 5.

(9)  Dan ifisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim Anti-dumping).

(10)  Mexico — Definitive Anti-dumping Measures on Beef and Rice, Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS295/AB/R, 29 ta’ Novembru 2005.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/19


Avviż ta' tmiem ta' investigazzjoni ta' salvagwardja li tnediet skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009, dwar importazzjonijiet ta' modems bla wajers ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN)

2011/C 24/09

Wara talba mir-Renju tal-Belġju, tnediet investigazzjoni ta' salvagwardja fit-30 ta' Ġunju 2010 skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u (KE) Nru 625/2009, ippubblikata fin-Notifika 2010/C 171/07 u li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' modems bla wajers ta' netwerk fuq żona wiesgħa (WWAN) (1).

Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli taħt il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 u l-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' investigazzjoni li tfittex li tiddetermina jekk, minħabba fi żviluppi mhux previsti, il-WWAN modems importati lejn l-Unjoni fi kwantitajiet li tant żdiedu u/jew b'tali termini u kundizzjonijiet, humiex qed joħolqu, jew jheddu li joħolqu dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni kkonċernati.

Fid-29 ta' Ottubru 2010, ir-Renju tal-Belġju rtira t-talba tiegħu għall-miżuri ta' salvagwardja.

Meta jiġi kkunsidrat li t-talba għall-miżuri ta' salvagwardja ġiet irtirata u waqt li jitqies l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni oħra għalfejn għandha tkompli bl-investigazzjoni preżenti tagħha. L-investigazzjoni ta' salvagwardja li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta' WWAN modems, li tnediet fit-30 ta' Ġunju 2010, għandha għalhekk tintemm.


(1)  ĠU C 171, 30.6.2010, p. 6.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/20


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5976 – Lufthansa Technik/Panasonic Avionics/Idair JV)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 24/10

1.

Fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Lufthansa Technik AG (“LHT”, il-Ġermanja) u Panasonic Avionics Corporation (“PAC”, l-Istati Uniti tal-Amerika) jakkwistaw, fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-impriża Idair GmbH (“Idair”, il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta' ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi f’impriża konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal LHT: manutenzjoni ta’ inġenji tal-ajru, magni u komponenti, tiswija u spezzjonar. L-attivitajiet tal-LHT jinkludu wkoll l-iżvilupp, id-disinn, il-manufattura u l-provvista ta’ ġestjoni tal-kabina u sistemi ta’ divertiment għal matul it-titjira (CMS/IFE) u komponenti CMS/IFE,

għal PAC: Integratur tas-sistemi CMS/IFE,

għal Idair: disinn, manufattura u provvista ta’ tagħmir speċjalizzat għall-kabina fl-inġenji tal-ajru.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5976 – Lufthansa Technik/Panasonic Avionics/Idair JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/21


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6071 – INEOS/INEOS NOVA)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 24/11

1.

Fis-17 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża INEOS Industries Holdings Limited (ir-Renju Unit), proprjetà tal-grupp ta' kumpaniji INEOS (“INEOS”, l-Isvizzera), takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kontroll sħiħ ta' INEOS NOVA (l-Isvizzera) permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal INEOS: manifattur globali ta’ petrokimiċi, kimiki speċjalizzati u prodotti miż-żejt,

għal INEOS NOVA: manifattur ta' monomer tal-istiren, tal-polistiren u tal-polistiren estiż, u ta' ċerti prodotti relatati.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6071 – INEOS/INEOS NOVA, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


Rettifika

26.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/22


Rettifika għall-festi pubbliċi fl-2011

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 12, tal-15 ta’ Jannar 2011 )

2011/C 24/12

F’paġna 10, “España”:

flok:

“21.4, 22.4, 25.4, 9.5, 2.6, 3.6, 13.6, 21.7, 1.11, 26.12, 27.12, 28.12, 29.12, 30.12”,

aqra:

“1.1, 6.1, 21.4, 22.4, 25.7, 15.8, 12.10, 1.11, 6.12, 8.12”.