ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.128.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 128

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
18 ta' Mejju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

2010/C 128/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tibdil fil-klima fl-okkażjoni tal-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti Kopenħagen, 7 – 18 ta’ Diċembru 2009

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

2010/C 128/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010(opinjoni esploratorja)

3

2010/C 128/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-inklużjoni soċjali (opinjoni esploratorja)

10

2010/C 128/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-prospetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli (opinjoni esploratorja)

18

2010/C 128/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn Ekonomija Ekoeffikaċi – Nittrasformaw il-kriżi ekonomika f’opportunità għal triq ġdida fil-qasam tal-enerġija (opinjoni esploratorja)

23

2010/C 128/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

29

2010/C 128/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-enerġija u t-tibdil fil-klima bħala parti integrali tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

36

2010/C 128/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

41

2010/C 128/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Universitajiet għall-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

48

2010/C 128/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tal-fondi tal-private equity, il-hedge funds u l-fondi sovrani fuq il-bidliet industrijali fl-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

56

2010/C 128/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri? (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

65

2010/C 128/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

69

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

2010/C 128/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġaCOM(2008) 868 finali

74

2010/C 128/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadiniCOM(2009) 262 finali

80

2010/C 128/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti bla tipjipCOM(2009) 328 finali – 2009/0088 (CNS)

89

2010/C 128/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinatiCOM(2009) 382 – 2009/0105 (COD)

94

2010/C 128/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u ma’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni finanzjarjaCOM(2009) 384 – 2009/0107 (AVC)

95

2010/C 128/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturiCOM(2008) 794 finali

97

2010/C 128/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejbaCOM(2008) 703 finali

103

2010/C 128/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka AgrikolaCOM(2008) 862 finali

107

2010/C 128/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-EwropaCOM(2008) 821 finali

111

2010/C 128/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'KopenħagenCOM(2009) 39 finali

116

2010/C 128/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar White Paper L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoniCOM(2009) 147 finali

122

2010/C 128/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ KopenħagenCOM(2009) 475 finali

127

2010/C 128/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KECOM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD) u il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfiniCOM(2009) 10 finali

131

2010/C 128/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli: Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE u dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijomassa, COM(2005) 628 COM(2009) 192 finali

136

2010/C 128/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoniCOM(2009) 217 finali – 2009/0063 (COD)

142

2010/C 128/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (riformulazzjoni) (riformulazzjoni) COM(2009) 391 finali - 2009/0110 (COD)

147

2010/C 128/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (verżjoni kkodifikata) COM(2009) 446 finali – 2009/0123 (COD)

148

2010/C 128/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011)COM(2009) 254 finali – 2009/0072 (CNS)

149

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/1


L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil fil-klima fl-okkażjoni tal-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti Kopenħagen, 7 – 18 ta’ Diċembru 2009”

(2010/C 128/01)

Waqt is-sessjoni plenarja li nżamment fl-4/5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b’156 vot favur, żewġ voti kontra u ħames astensjonijiet.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li jaġixxi bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, japprova l-messaġġ li ġej indirizzat lill-Gvernijiet, il-mexxejja, in-negozjaturi u partijiet oħra involuti fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen u fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar it-tibdil fil-klima:

“It-tibdil fil-klima diġà qed ikollu impatti negattivi u possibbilment irriversibbli f’ħafna partijiet tad-dinja. Dawn il-problemi jistgħu biss jiħraxu fis-snin li ġejjin jekk il-gassijiet b’effett ta’ serra jkomplu jakkumulaw fl-atmosfera bir-rata attwali. L-analiżi xjentifika tal-IPCC u sorsi awtoritattivi oħrajn juru biċ-ċar li l-pajjiżi żviluppati ser ikollhom inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tagħhom b’iktar minn 80 % sal-2050 jekk iż-żjidiet fit-temperatura ser jinżammu fuq livelli siguri. Sabiex id-dinja taqbad it-triq, b’mod realistiku, lejn it-twettiq ta’ dan it-tnaqqis, ser ikun hemm bżonn ta’ tnaqqis ta’ 25–40 % sal-2020, u sforzi sinifikanti minn pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw.

Il-konferenza li se ssir f’Kopenħagen hija ta’ importanza kritika. Is-suċċess tagħha jista’ jitfa’ d-dinja fuq it-triq lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-snin li ġejjin, u l-istabbilizzar taż-żjiediet fit-temperatura għal livelli fattibbli. Jekk il-konferenza ma tilħaqx il-miri tagħha, id-dinja tista’ taqbad triq dejjem iktar perikoluża lejn żjiediet iktar drastiċi fit-temperatura u d-diżastri umani u ekoloġiċi li din iġġib magħha.

1.   F’dan il-mument kritiku l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew isejjaħ lill-gvernijiet, il-mexxejja u n-negozjaturi biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jaslu għal ftehim universali u vinkolanti li jgħaqqad il-pajjiżi u l-popli tagħhom fi sforz komuni biex inaqqsu l-livell tal-emissjonijiet fis-snin li ġejjin u biex jissalvagwardjaw l-ambjent dinji li aħna u l-ġenerazzjonijiet futuri ngħixu fih.

2.   L-Unjoni Ewropea offriet li timpenja ruħha għal tnaqqis ta’ 30 % sal-2020 jekk pajjiżi oħrajn jagħmlu sforzi kumparabbli. L-Ewropa ripetutament sejħet għal livelli ta’ impenn kumparabbli mill-pajjiżi żviluppati l-oħrajn, u għal sforzi sinifikanti wkoll mill-ekonomiji emerġenti li b’rata mgħaġġla qed jilħqu jew jgħaddu d-dinja żviluppata bħala l-ikbar kaġun ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Inħeġġu li l-pożizzjoni tinżamm b’mod riżolut.

3.   Ninsabu mħassbin ħafna dwar il-falliment tan-negozjati s’issa biex isir il-progress kruċjali meħtieġ. Jiżviluppaw kif jiżviluppaw l-istadji finali tan-negozjati, inħeġġu lill-Unjoni Ewropea biex ma taqax għat-tentazzjoni biex tuża l-falliment biex tikseb appoġġ suffiċjenti minn oħrajn bħala skuża biex tnaqqas l-ambizzjonijiet tagħha stess, jew biex tnaqqas l-impenn tagħha għal kwalunkwe konklużjoni li tissodisfa l-inqas denominatur komuni f’Kopenħagen. Dak ikun ta’ ħsara kemm għall-Ewropa kif ukoll għad-dinja. Anke jekk għad m’hemmx kunsens universali fil-livell Ewropew dwar l-ambizzjoni f’Kopenħagen, inħeġġu lill-Unjoni Ewropea żżomm il-livell tagħha ta’ impenn u tfittex biex tibni koalizzjoni b’saħħitha ta’ nazzjonijiet oħrajn żviluppati u li qed jiżviluppaw li huma lesti jimpenjaw ruħhom għal livelli ta’ ambizzjoni kumparabbli, u biex jimplimentaw il-miżuri neċessarji biex jilħqu dan l-għan.

4.   Għandna nkomplu nagħmlu progress fit-trasformazzjonijiet industrijali u soċjali meħtieġa biex nilħqu l-objettivi ta’ tnaqqis ta’ 30 % sal-2020 bħala parti ċentrali tat-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea għal mudell ġdid ekoeffiċjenti u sostenibbli b’użu baxx tal-karbonju. Jeħtieġ li jsir sforz mingħajr preċedenti ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-enerġija, sabiex jinħolqu alternattivi teknoloġiċi kredibbli għaċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-kriżi ekoloġika ma tistax tinfired iktar mill-kriżi soċjali fil-livell ta’ azzjoni politika. Dan għandu jwassal għat-tfassil ta’ mudell ġdid ta’ produzzjoni u konsum. Għandna nħarsu lejn din it-trasformazzjoni mhux bħala piż iżda bħala sfida biex noħolqu ġenerazzjoni ġdida ta’ innovazzjoni teknoloġika u soċjali li tkun l-aqwa garanzija ta’ impjiegi sostenibbli, vantaġġ kompetittiv u benesseri soċjali fil-ġejjieni. Inħeġġu li dan l-objettiv jitqiegħed fil-qalba tal-istrateġija l-ġdida għall-2020 għall-Unjoni Ewropea li għandha tintegra l-objettivi prinċipali tal-istrateġiji attwali għall-iżvilupp sostenibbli, għat-tkabbir sostenibbli u għall-klima u l-enerġija.

5.   Pajjiżi oħrajn li qed jiżviluppaw, u b’mod partikulari dawk il-pajjiżi l-inqas żviluppati, qed isibu ruħhom f’qagħda kritika minħabba l-evoluzzjoni tat-tibdil fil-klima. F’ħafna każi, filwaqt li huma l-inqas ħatja għat-tibdil fil-klima, l-ifqar pajjiżi li qed jiżviluppaw huma fost dawk affettwati l-iktar. Biex il-konferenza ta’ Kopenħagen tkun suċċess id-dinja żviluppata trid tressaq wegħdiet sodi ta’ sorsi sostanzjali ġodda u addizzjonali ta’ finanzjament biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-problemi ewlenin tagħhom ta’ adattament u biex jgħinuhom jimplimentaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni tagħhom stess.

Dan l-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti sinifikanti dwar il-livelli ta’ appoġġ li l-Ewropa għandha tipprovdi għal din is-sħubija u kif għandha tiġi amministrata. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni tipproċedi malajr sal-punt fejn dawn il-proposti jistgħu jitressqu bħala offerta soda fin-negozjati, u jistgħu jintużaw bħala lieva biex jistimolaw offerti kumparabbli minn pajjiżi żviluppati oħrajn.

6.   Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi qed tiġi affettwata mit-tibdil fil-klima. In-negozji, it-trade unions, organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili kollha kemm huma ser ikollhom bżonn jinvolvu ruħhom fl-isforzi kollha kemm biex tnaqqas it-tibdil fil-klima kif ukoll biex tadatta għalih. Bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata nafu li n-nies madwar l-Ewropa qed isiru iktar sensibilizzati dwar il-kobor tal-isfida, u rieda dejjem ikbar biex niffaċċjaw il-bidliet li ser ikollna nagħmlu fit-tendenzi tal- produzzjoni u l-konsum tagħna u l-mod kif ngħixu. Inħeġġu lill-mexxejja u n-negozjaturi tagħna biex ikunu riżoluti huma u jiggwidawna ’l quddiem fuq din it-triq. M’hemmx lok biex nerġgħu lura.”

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/3


L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/02)

Relatur Ġenerali: Is-Sur GREIF

F’ittra datata t-23 ta’ Lulju 2009, is-Sur Diego Lopez, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni ta’ Spanja u membru tal-gvern Spanjol, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Kooperazzjoni Ekonomika u Soċjali (l-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona) ġiet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Fid-dawl tal-natura tal-ħidma, il-Kumitat ħatar lis-Sur Greif bħala relatur ġenerali matul l-457 sessjoni plenarja tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009) u adotta din l-opinjoni b’178 vot favur, 6 voti kontra u 15-il astensjoni.

1.   Daħla

1.1.   F’din l-opinjoni qed jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet ta’ politika li fil-fehma tal-KESE għandhom jingħataw prijorità hija u titfassal strateġija Ewropea ġdida għal wara l-2010. Hija u titfassal l-istrateġija għandhom jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi profondi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Jeħtieġ li jiġu identifikati l-elementi prinċipali tal-bidliet fil-politika. Dan huwa pass essenzjali sabiex “wara l-kriżi” tiġi żgurata dinamika ta’ tkabbir sostenibbli, impjieg, u koeżjoni soċjali u li din il-kriżi ma terġax isseħħ.

1.2.   Din l-opinjoni tfasslet mill-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona tal-KESE bil-parteċipazzjoni attiva tal-kunsilli nazzjonali ekonomiċi u soċjali (KES). Id-diversi kontributi, ħafna drabi kontroversjali, fid-diskussjonijiet ta’ matul il-laqgħat konġunti, jenfassizzaw il-kwalità politika tar-rakkomandazzjonijiet tad-dokument u r-rilevanza tagħhom għas-soċjetà ċivili.

1.3.   Flimkien mal-perspettiva pan-Ewropea li qed tiġi ppreżentata fl-opinjoni, hemm ukoll kapitoli nazzjonali bbażati fuq katalogu ta’ mistoqsijiet li jikkonċernaw a) analiżi taċ-ċiklu ta’ Lisbona attwali (2008–2010) u b) il-ġejjieni tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 li tfasslu mid-delegazzjonijiet nazzjonali (1). In-netwerk interattiv li l-KESE żviluppa mal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet tal-imsieħba simili qed jippreżenta mill-ġdid (2) Rapport Integrat li għandu jikkontribwixxi għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi tal-istituzzjonijiet Ewropej b’rabta mas-Summit tar-Rebbiegħa tal-Kunsill Ewropew fl-2010.

2.   Evalwazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona

2.1.   Lisbona 2000 – approċċ integrat li sab appoġġ mifrux

2.1.1.   F’Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ippreżenta programm ta’ riforma ambizzjuż għall-Ewropa. L-għan tal-Aġenda ta’ Lisbona kien li sal-2010 l-UE ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien tad-dinja – żona ekonomika kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku fuq perijodu twil b’aktar impjiegi u impjiegi aħjar u iktar koeżjoni soċjali.

2.1.2.   Flimien mad-dimensjoni tal-iżvilupp sostenibbli (l-Istrateġija ta’ Göteborg) ġiet żviluppata strateġija usa’. F’bosta oqsma ta’ politika tfasslu għanijiet kwantifikabbli li kellhom jiġu implimentati fl-Istati Membri permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK).

2.1.3.   Il-KESE dejjem għaraf dan l-approċċ ta’ politika integrata bħala l-vantaġġ partikolari tal-Istrateġija ta’ Lisbona, wissa kontra interpretazzjoni limitata tiegħu u sejjaħ minflok għal relazzjoni bilanċjati bejn it-tliet pilastri.

2.2.   Rilanċ 2005 – konċentrazzjoni fuq il-kontenut u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali

2.2.1.   Bosta Stati Membri rnexxielhom itejbu l-prestazzjoni tagħhom f’xi setturi. B’mod ġenerali, żdied l-impjieg u sar progress ukoll fl-estensjoni tal-broadband, fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni kontinwa, fil-livell ta’ tagħlim fost iż-żgħażagħ u oqsma oħra (3). Madanakollu f’nofs il-perijodu stabbilit, ħafna pajjiżi kienu għadhom lura ħafna milli jiksbu l-għanijiet stabbiliti f’diversi oqsma.

2.2.2.   F’dan il-kuntest, fl-2005 saret valutazzjoni kritika li ffokat fuq l-approċċ tas-sħubija bejn l-atturi Ewropej u nazzjonali. L-attenzjoni bdiet tingħata lill-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali kif ukoll lit-“tkabbir u l-impjiegi”. Dan fisser li parti mil-lista ġenerali ta’ għanijiet, pereżempju l-pilastru soċjali, sa ċertu punt tpoġġew fuq wara tal-lista ta’ prijoritajiet sabiex l-enfasi tkun fuq iż-żieda tal-kapaċità tal-impjieg u approċċ ekonomiku iktar rigoruż. L-approċċ li l-Istati Membri jingħataw iktar responsabbiltà li jiddeterminaw il-pjani nazzjonali speċifiċi tagħhom, u b’riżultat ta’ dan li titpoġġa iktar enfasi fuq ir-riformi nazzjonali, ma ġiex akkumpanjat minn passi li jippromovu qafas ekonomiku u soċjali adegwat fil-livell Ewropew.

2.2.3.   Minkejja l-progress (4) li sar dan l-aħħar, bosta pajjiżi għadhom lura milli jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti. F’bosta oqsma, l-għanijiet mistennija jintlaħqu, fuq medja tal-UE, sal-2010 iżda mhux fl-Istati Membri kollha. Dan jikkonċerna pereżempju l-mira ta’ 3 % fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri u l-UE inġenerali ftit li xejn għadhom għamlu progress. L-istess jgħodd għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Fir-rigward tal-għanijiet fil-qasam tal-impjieg, sar progress limitat ukoll pereżempju fl-impjieg tan-nisa. Kien hemm żieda sinifikanti fl-ammont ta’ xogħol part-time (f’xi każijiet kontra r-rieda tal-impjegat) (5), xogħol temporanju u fl-istess waqt xogħol imħallas ftit u ħafna drabi mingħajr kuntratt tax-xogħol standardizzat.

2.3.   Inkomplu mexjin fl-istess triq jew neħtieġu aġenda ġdida għall-Ewropa?

2.3.1.   L-opinjoni ġenerali hija li l-għanijiet ta’ Lisbona ma ntlaħqux l-ewwel u qabel kollox minħabba nuqqas ta’ politika konsistenti fl-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, u minħabba li l-MMK ma rnexxilux joħloq inċentivi adegwati għall-parteċipazzjoni nazzjonali u Komunitarja. Kawża importanti oħra hija n-nuqqas ta’ qafas rilevanti Ewropew għall-politika makroekonomika u soċjali li jeħtieġu l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw ir-riformi t-tajba b’mod koordinat, jilħqu l-miri stabbiliti u jevitaw sitwazzjoni fejn ir-riformi nazzjonali jispiċċaw f’kompetizzjoni bejniethom. Barra minn hekk, il-KESE kemm-il darba nnota n-nuqqas ta’ responsabbiltà konġunta, li huwa jassoċja mal-fatt li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili ma ġewx involuti.

2.3.2.   Il-KESE jitlob li tkompli tiġi applikata strateġija globali u integrata wara l-2010. Madanakollu, huwa tal-fehma li la approċċ li jmur lura għall-Istrateġija ta’ Lisbona 2000, u lanqas approċċ li jinvolvi iktar mill-istess sempliċement, fejn meħtieġ enfasi msaħħha fuq l-ambjent, ma huma r-risposta t-tajba għall-isfidi attwali. Il-prijorità attwali għandha tkun li jiġu adottati approċċi fuq perijodu twil li jippermettu li l-kompetittività, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni jintrabtu mal-potenzjal innovattiv ta’ Ewropa soċjalment responsabbli u li qed tiżviluppa b’mod sostenibbli, u l-kunċett ta’ “xogħol tajjeb” (6). Barra minn hekk il-kriżi attwali hija forma ta’ distakk li jitlob għażliet ġodda bħal regolamentazzjoni effettiva tas-swieq finanzjarji, aġġustament radikali fil-qasam tar-riżorsi, tal-produzzjoni u tal-konsum baxx tas-CO2 u investiment fis-servizzi pubbliċi innovattivi, sabiex in-nies jingħataw sens ta’ sigurtà u sabiex l-UE tkun tista’ terġa’ tirbaħ il-fiduċja tagħhom.

2.3.3.   L-isfidi attwali bħall-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-problemi soċjali li ġabet magħha, il-globalizzazzjoni tal-ekonomija, il-bżonn li jittejjeb it-tħaddim tas-suq uniku, il-politika tal-enerġija u t-tibdil fil-klima, it-tendenzi demografiċi u l-migrazzjoni, jitolbu strateġija komprensiva u globali fil-livell Ewropew għal wara l-2010 li a) tindirizza dawn l-isfidi, b) tikkoreġi l-iżbalji li saru fl-implimentazzjoni c) hija appoġġjata minn sens ta’ responsabbiltà Ewropea maqsuma u d) hija kapaċi torbot l-istrateġiji kollha tal-UE b’mod koerenti (l-Istrateġija tar-Rilanċ, l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima). Il-KESE jipproponi li din l-orjentazzjoni strateġika ġdida tiġi ċċarata fost affarijiet oħra permezz ta’ isem ġdid għall-istrateġija Ewropea ġdida.

3.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika: naħsbu u naġixxu b’mod Ewropew bi proġetti Ewropej

3.1.   Qafas Ewropew għal programmi ta’ riforma ta’ suċċess: Minkejja li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà prinċipali tal-implimentazzjoni, hemm bżonn ta’ qafas Ewropew sabiex ir-riformi strutturali jiġu implimentati b’mod koordinat u konsistenti. Hemm bżonn ta’ evalwazzjoni tar-riformi nazzjonali fil-livell Ewropew u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp ekonomiku, id-distribuzzjoni tal-ġid u l-qligħ u l-koeżjoni soċjali. B’rabta ma’ dan hemm bżonn ta’ studju dettaljat ta’ xi deċiżjonijiet speċifiċi tal-QĠE (Vaxholm, Viking, Rüffert u Luxembourg) u eventwalment li jiġu introdotti miżuri adatti u konkreti għall-ħarsien tal-ħaddiema sabiex b’hekk jiġi ċċarat il-fatt li l-libertajiet ekonomiċi u r-regoli tal-kompetizzjoni bl-ebda mod ma jheddu d-drittijiet soċjali bażiċi.

Enfasi fuq it-tkabbir fil-politika tal-UE permezz ta’ qafas adegwat għall-politika ekonomika: il-mira ta’ tkabbir ta’ 3 %, li hija l-bażi integrali tal-istrateġija, intlaħqet biss darbtejn. Il-kriżi finanzjarja u n-nuqqas ta’ reżistenza tal-ekonomija tal-UE jindikaw il-bżonn ta’ orjentazzjoni ġdida tal-politika makroekonomika. Fil-fehma tal-KESE taħlita makroekonomika bilanċjata li tiġbor fiha b’mod ekwilibrat politika Ewropea tal-provvista u dik tad-domanda għandha tagħmel parti integrali mill-istrateġija ta’ wara l-2010. Il-kwalità tat-tkabbir li għandna nimmiraw għalih hija importanti wkoll. L-għan fundamentali huwa t-tkabbir tal-benesseri. Il-PGD waħdu mhuwiex kejl adegwat tal-benesseri, u hemm bżonn li jintuża indikatur aħjar (jew sett ta’ indikaturi) tal-benesseri sabiex ikun jista’ jiġi definit u kalibrat objettiv għat-tkabbir li jkun aktar sodisfaċenti u koerenti għall-istrateġija l-ġdida.

3.2.1.   Soluzzjoni għall-kriżi fis-suq finanzjarju u sfidi soċjali: L-UE hija mitluba taqdi rwol koordinat, deċisiv u mexxej sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi attwali b’mod partikolari fil-ħolqien ta’ orjentazzjoni ġdida għas-sistema finanzjarja. Sistema finanzjarja globali ġdida (li tinkludi primarjament regolamentazzjoni effettiva tas-sistemi bankarji iżda anki tal-hedge funds u l-intrapriżi tal-private equity) għandha tiffaċilita l-iżvilupp u d-disponibbiltà ta’ strumenti finanzjarji b’saħħithom li jappoġġjaw l-ekonomija reali u li jaqdu liċ-ċittadini. Il-kriżi attwali mhijiex riżultat tal-problemi fis-suq finanzjarju biss. Hija ġiet ikkawżata wkoll minn numru ta’ żbilanċi makro– u mikroekonomiċi bħad-diskrepanzi bejn id-dħul, b’mod partikolari fl-Istati Uniti. Għalhekk, sabiex noħorġu mill-kriżi hemm bżonn li jiġi evitat it-tkabbir ibbażat parzjalment fuq “bżieżaq ta’ spekulazzjoni” u nibnu fuq investiment b’mod partikolari fis-setturi innovattivi tal-ekonomija reali, id-distribuzzjoni ekwa, il-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja u produttiv u s-sostenibbiltà ambjentali.

3.3.   It-titjib tat-tħaddim tas-suq intern permezz ta’ bilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali. Sabiex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn tal-applikazzjoni korretta u eventwalment titjib tal-acquis soċjali tas-suq intern, regolamentazzjoni aħjar, kif ukoll il-ħolqien ta’ ambjent makroekonomiku b’suċċess u ta’ biżżejjed opportunitajiet għall-investimenti privati. Jeħtieġ madanakollu li jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fis-suq komuni tkun orjentata lejn l-innovazzjoni u la hija kontraproduttiva u lanqas ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali.

Il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali bħala fattur ta’ ekonomija stabbli u dinamika: Il-KESE jemmen li politika soċjali żviluppata tajjeb, li tinkludi politika komprensiva għall-ħolqien ta’ “impjiegi ta’ kwalità” u li tistabbilixxi miri ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni inizjali u kontinwa, kemm ġenerali kif ukoll vokazzjonali, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja, tista’ tagħti spinta qawwija lit-tkabbir u l-produttività. It-triq ’il barra mill-kriżi għandha tiġi appoġġjata mill-investimenti adatti.

3.4.1.    Il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar li qed ikomplu jiżdiedu : Ġiet stabbilita l-mira li sal-2010 għandu jkun hemm tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-realtà soċjali (2007) wera madanakollu li l-Ewropa għadha qed tiffaċċja problemi serji li qed jiżdiedu f’ħafna pajjiżi u reġjuni tagħha. Għalhekk, l-istrateġija ta’ wara l-2010 għandha tkun immirata lejn il-progress soċjali, it-tisħiħ u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ħarsien soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-prevenzjoni tad-distribuzzjoni inugwali tal-ġid. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar (2010) hija l-opportunità ideali sabiex noħolqu għanijiet effiċjenti inklużi limiti taż-żmien għall-ġlieda kontra l-faqar (pereżempju dħul minimu u sistemi ta’ sostituzzjoni għad-dħul (7)). Inizjattiva bħal din sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali, tista’ tkun pass importanti sabiex terġa’ tintrebaħ il-fiduċja taċ-ċittadin fl-integrazzjoni Ewropea.

Il-ħolqien ta’ suq tax-xogħol inklussiv : Minkejja l-progress li sar, fuq medja Ewropea, l-għanijiet tal-impjieg għall-2010 mhux ser jintlaħqu. Fid-dawl tal-kriżi attwali li laħqet il-quċċata tagħha iżda li għadha ma għaddietx totalment, u li żiedet l-inugwaljanzi u heddet l-għajxien ta’ ħafna, dan għandu jkun sors ta’ tħassib. Skont il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku  (8) , sabiex jerġa’ jkun hemm it-tkabbir kemm jista’ jkun malajr u, b’riżultat ta’ dan, jerġa’ jkun hemm stabbiltà fis-suq tax-xogħol, hemm bżonn li tissaħħaħ id-domanda domestika permezz ta’ miżuri li jtejbu l-istruttura. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti kunċetti effettivi għat-taħriġ inizjali u kontinwu, jinħolqu l-impjiegi b’mod partikolari għal dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba pereżempju nuqqasijiet fl-edukazzjoni tagħhom u li jittieħdu l-passi effettivi sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-kapaċità li wieħed jibqa’ fih. Il-forom differenti ta’ ekonomija soċjali tal-Istati Membri jistgħu jaqdu rwol eżemplari hija u tiġi indirizzata l-kriżi, b’mod partikolari sabiex jinħoloq l-impjieg u fil-qasam tal-attivitajiet tas-servizzi soċjali. Il-KESE huwa tal-fehma li l-impjieg u l-produttività għandhom jiżdiedu b’mod parallel. L-UE għandha timmira li tintroduċi regoli adegwati għall-impjieg mhux standardizzat assoċjat ma’ livell baxx ta’ ħarsien soċjali u f’dan il-proċess tinkludi l-imsieħba soċjali nazzjonali u Ewropej, b’kunsiderazzjoni tal-awtonomija tagħhom  (9).

3.4.2.1.   L-intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali, li huma preżenti fis-setturi kollha tal-attività u li jikkumbinaw qligħ ekonomiku ma’ interess ġenerali u kunsiderazzjonijiet soċjali, huma eżempju tajjeb ta’ forom speċifiċi ta’ intraprenditorija u governanza korporattiva li se jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona riveduta. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qed jitlob lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw proposti maħsuba għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet politiċi (10) magħmula mill-Parlament Ewropew biex jiżguraw li l-intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell ma’ intrapriżi oħra.

3.4.3.    Il-flessigurtà għandha toħloq sigurtà effettiva fil-proċess ta’ bidla : Il-kondizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu jitolbu livell għoli ta’ adattament innovattiv anki fis-swieq tax-xogħol. L-istrutturi li jinbidlu malajr jirrikjedu reazzjoni intelliġenti. Permezz tal-kunċett tal-flessigurtà għandu jiġi żgurat li l-ħaddiema huma preparati għall-isfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol. Il-kunċett tal-flessigurtà għandu jiżgura sigurtà effettiva fil-proċess ta’ bidla fejn tingħata prijorità ugwali lis-sigurtà fis-suq tax-xogħol, impjieg u xogħol stabbli, iż-żamma tal-kapaċità tal-impjieg, is-sigurtà soċjali u l-mobbiltà tax-xogħol bil-għan li jinħolqu impjiegi tajba u produttivi (“make transition pay”). Għalhekk, huwa importanti b’mod partikolari li jiġi żgurat li l-acquis tal-Komunità fil-qasam soċjali jiġi implimentat u jitqiegħed fil-prattika bis-sħiħ u li jiġi estiż ukoll għall-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni eventwali inġusta fil-qasam tal-istandards tax-xogħol.

3.4.4.    Koordinazzjoni mtejba tal-politika fiskali: B’konformità mat-Trattati tal-UE, hemm bżonn li jsir sforz għal iktar koordinazzjoni bejn il-politiki fiskali fl-Istati Membri (inklużi bażijiet tat-taxxa armonizzati u rati minimi), b’mod partikolari f’dawk l-oqsma fejn il-bażijiet tat-taxxa huma mobbli fil-livell internazzjonali u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri huwa l-ogħla. L-għan ta’ din il-koordinazzjoni Ewropea għandu jkun li jiġu żgurati l-baġits pubbliċi u li jiġu promossi s-sistemi tat-taxxi iktar ġusti (fost affarijiet oħra billi tissaħħaħ il-bażi tad-dħul mit-taxxi, billi jitneħħew ir-rifuġji tat-taxxa u billi tittieħed azzjoni sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa).

3.4.5.    Il-BĊE għandu jimxi mal-mandat ekonomiku ġenerali : Jeħtieġ li l-istrateġija ta’ wara l-2010 toħloq bilanċ adegwat u sostenibbli bejn it-tkabbir u l-għanijiiet tal-istabbiltà għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-BĊE għandu jassumi r-resposabbiltà sħiħa, b’konformità mat-Trattati u flimkien mal-għan prijoritarju tiegħu li jiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet u jqis ukoll l-għanijiet l-oħra tal-Komunità inklużi livelli ogħla ta’ impjieg, ħarsien soċjali u tkabbir sostenibbli.

3.4.6.    Iż-żamma ta’ lok għall-politika fiskali għall-investiment: Jeħtieġ li jittieħdu passi sabiex jiżdied l-iskop tal-politika ekonomika permezz ta’ restrizzjoni fuq il-baġits bl-użu u l-kunsiderazzjoni tal-mekkaniżmi tal-flessibbiltà li jipprovdi l-patt tal-istabbiltà u t-tkabbir li qiegħed hemm għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex l-investiment pubbliku rilevanti għall-Istrateġija ta’ Lisbona (inklużi s-servizzi pubbliċi affordabbli u effiċjenti, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni) u l-investiment produttiv mis-settur pirvat, saħansitra fil-produzzjoni baxxa tas-CO2, jingħataw spinta. B’rabta ma’ dan, l-idea ta’ bond Ewropew minn fond statali Ewropew għandha tkompli tiġi żviluppata  (11) .

3.5.   Il-promozzjoni tal-politika industrijali u l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħolqien ta’ kondizzjonijiet qafas adegwati għall-SMEs: It-tkabbir ekonomiku u ambjent li jiffavorixxi l-investiment huma prerekwiżiti essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ż-żamma ta’ dawk li diġà jeżistu. Il-kumpaniji l-kbar jagħtu kontribut kbir f’dan il-qasam u l-istess jgħodd, sa ċertu punt, għall-SMEs. L-SMEs, b’mod partikolari, huma marbuta mal-ekonomija lokali u għalhekk jibbenefikaw b’mod speċjali minn domanda domestika stabbli u li qed tikber. Il-KESE stqarr diversi drabi li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-iżvilupp addizzjonali tal-politika industrijali Ewropea b’mod partikolari t-teknoloġiji li jiffavorixxu l-ambjent (green technologies), in-nanoteknoloġija u l-ICT u li tingħata spinta lill-intraprenditorija b’responsabbiltà soċjali, kif ukoll li jiġu promossi l-istart-ups u tingħata għajnuna lin-negozji li diġà jeżistu sabiex jibqgħu fis-suq. It-tnaqqis tal-burokrazija eċċessiva u t-titjib tal-qafas tal-finanzjament tal-kumpaniji huma prijorità għall-ekonomija u kruċjali kemm għall-kompetittività Ewropea kif ukoll sabiex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment produttiv. Għalhekk, il-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-impjegati u tal-konsumaturi m’għandhiex titpoġġa f'riskju. Peress li l-produzzjoni ekonomika, l-innovazzjoni u l-impjieg qed jiddependu dejjem iktar mill-SMEs, waħda mill-prijoritajiet għandha tkun l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ.

3.6.    Nindirizzaw l-isfida tat-tibdil demografiku u nsibu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni : Il-punti tat-tluq huma u jiġu indirizzati l-isfidi ta’ soċjetà li qed tixjieħ huma u ser jibqgħu t-tkabbir u l-impjieg. Dan jgħodd ukoll kemm għall-ġenerazzjoni ta’ età iżgħar kif ukoll dik ta’ età ikbar. Flimkien mal-ġlieda kontra l-qgħad u l-ħolqien ta’ iktar impjiegi u impjiegi aħjar, jeħtieġ li ssir aktar ħidma fejn jidħlu r-rati tat-twelid u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Soluzzjonijiet ta’ suċċess fil-qasam tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni li jippromovu l-potenzjal tal-Ewropa għall-iżvilupp u ma jheddux il-koeżjoni soċjali huma fost l-isfidi prinċipali tal-perijodu ta’ wara l-2010  (12).

Tkompli l-promozzjoni tat-trijanglu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni): L-Ewropa għandha ssaħħaħ il-potenzjal tagħha fejn jidħlu l-ħaddiema kwalifikati, ix-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija u b’hekk issaħħaħ il-kapaċità tagħha għall-innovazzjoni bħala element prinċipali tal-kompetizzjoni. It-trijanglu tal-għarfien għandu jibqa’ fil-qalba tal-istrateġija ta’ wara l-2010. F’dan il-kuntest l-idea tal-innovazzjoni trid titwessa’ sabiex tinkludi wkoll “l-innovazzjoni soċjali”, biex b’hekk jiżdied il-kapital soċjali li huwa importanti kemm għall-kompetittività kif ukoll għall-koeżjoni soċjali.

3.7.1.   Sabiex niżguraw il-bażi tal-innovazzjonijiet futuri, ix-xjenza u r-riċerka u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jingħataw prijorità kbira. L-għan ta’ Bolonja li tinħoloq żona ikbar tal-edukazzjoni fl-Ewropa għandu jiġi implimentat fi stadji konkreti u hemm bżonn iktar impenn politiku sabiex ikun hemm koordinazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika. Investiment insuffiċjenti fl-innovazzjoni u l-edukazzjoni kontinwa qed joħolqu iktar problemi ekonomiċi u jolqtu l-produttività fix-xogħol. Billi jaqdu rwol prinċipali fit-trijanglu tal-għarfien tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jżidu l-isforzi li jiżviluppaw dimensjoni Ewropea. Pereżempju, fil-qasam transkonfinali, il-kollaborazzjonijiet multilaterali ta’ riċerka għandhom jiġu appoġġjati. L-Ewropa nieqsa wkoll minn kumpaniji ta’ livelli teknoloġiku għoli (high-tech) li jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp. In-negozji għandhom joħolqu l-inċentivi sabiex iżidu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u sabiex joħolqu impjiegi produttivi.

3.7.2.   Ħaddiema b’edukazzjoni tajba, b’mod partikolari fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi u l-kapaċità tal-innovazzjoni, huma elementi prinċipali tal-kompetizzjoni u prerekwiżit għall-prosperità. Dawn għandhom jiġu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ impjiegi produttivi, li jitolbu kwalifiki għolja u li huma mħallsa tajjeb. Anki matul il-kriżi għandhom isiru l-isforzi sabiex tingħata għajnuna lill-gradwati żgħażagħ sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa u jiżviluppaw karrieri li joffru prospetti tajba.

Il-ġestjoni tat-tibdil fil-klima bħala element prinċipali tal-istrateġija ta’ wara l-2010 titlob bidla f’bosta oqsma: L-appoġġ tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli flimkien mal-użu tas-settur ambjentali, ser ikunu element prinċipali tal-istrateġija ta’ wara l-2010. L-istrateġija mġedda għandha tinkludi pjan ta’ azzjoni għal ekonomija li tuża livell ta’ karbonju baxx. Issa li ħolqot qafas leġiżlattiv komprensiv għall-enerġija u t-tibdil fil-klima, l-UE għandha tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni prattika. Il-miżuri ta’ politika effettiva għandhom jiġu integrati f’linji gwida integrati, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u programmi nazzjonali ta’ riforma.

3.8.1.    Jeħtieġ li l-UE ssir l-iktar żona ekomika effiċjenti fil-qasam tal-enerġija u r-riżorsi : Il-politika tal-klima, li tnaqqas kemm l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili u l-importazzjonijiet tal-enerġija, għandha tkun immirata lejn is-sostenibbiltà, jiġifieri l-għanijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali għandhom jingħataw konsiderazzjoni xierqa. Jeħtieġ li jiġi eżawrit il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija kollu u għandhom jintużaw l-istrutturi lokali, rinnovabbli u reġjonali. It-titjib tal-effiċjenza fl-oqsma tal-enerġija u r-riżorsi ser issir waħda mill-elementi prinċipali ta’ strateġija ġdida. Għan strateġiku ieħor tal-UE għandu jkun li bħala Komunità ssirl-iktar żona ekonomika effiċjenti fil-qasam tal-enerġija u r-riżorsi”. Sabiex tinkiseb din il-bidla jeħtieġ li l-Ewropa tassumi responsabbiltà kbira fit-tnaqqis tas-CO2. Hemm bżonn li ssir ħidma mas-setturi individwali kkonċernati sabiex jitwaqqfu l-miri speċifiċi u l-perijodi ta’ żmien.

3.8.2.   “ New Green Deal ”: Bħala parti min-“New Green Deal” hemm bżonn li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-settur tal-ambjent bħala mutur tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni. Hemm bżonn ta’ rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi innovattivi u għandhom jiġu ffrankati l-ispejjeż mingħajr ma jonqsu l-ġid, il-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività globali. L-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija u l-implimentazzjoni tal-iżviluppi fi prodotti u servizzi ġodda li jistgħu jitqiegħdu fis-suq u l-ħolqien tal-impjiegi li dawn iġibu magħhom ser jaqdu rwol essenzjali f’dan il-proċess importanti ta’ innovazzjoni.

It-titjib tal-bażi finanzjarja tal-Istrateġija ta’ Lisbona: Sabiex nindirizzaw l-isfidi tal-ġejjieni hemm bżonn ukoll ta’ diskussjoni strateġika ġdida dwar il-baġit futur tal-UE.

3.9.1.    Ir-riforma tal-baġit tal-UE b’konformità ma’ Lisbona : B’mod ġenerali, il-baġits għall-politiki individwali għandhom jerġgħu jiġu evalwati skont l-Istrateġija ta’ Lisbona u mmirati lejn ir-riċerka u l-kompetittività, l-ambjent u l-klima, l-investiment fl-użu sostenibbli tal-enerġija, l-infiq pubbliku kostruttiv fil-post tan-negozju, il-politika tas-suq tax-xogħol attiva, il-bilanċ bejn il-ħajja u l-familja, il-koeżjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-faqar u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità għolja. B’rabta ma’ dan, fil-qafas finanzjarju li jmiss 2014–2020 jeħtieġ li jitqies dibattitu bbażat fuq ir-riforma dwar il-baġit tal-UE relatat mal-Istrateġija taLisbona  (13). Implimentazzjoni effettiva tal-miri tal-UE ser titlob ukoll li t-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali jiġi inkluż bħala tema prinċipali fid-diskussjoni dwar il-finanzjament tal-politika strutturali u ta’ koeżjoni wara l-2013.

3.9.2.    Evalwazzjoni tal-alternattivi ta’ finanzjament tal-UE : Jeżistu bosta sfidi transkonfinali li jitolbu t-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-azzjoni politika. Għall-proġetti Ewropej, hemm bżonn li jiġu diskussi l-għażliet ta’ finanzjament alternattivi, u l-possibbiltajiet ta’ baġit tal-UE estiż għandhom jiġu diskussi flimkien ma’ opportunitajiet ta’ ristrutturar u ffrankar. B’rabta ma’ dan il-KESE jipproponi li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ finanzjament mifruxa mal-UE (inkluż fil-qasam tat-taxxa). B’hekk l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tista’ pereżempju tillimita l-attività spekulattiva. Il-possibbiltà li tiġi introdotta taxxa fuq il-karbonju għanda tiġi eżaminata wkoll.

3.10.   It-tisħiħ tad-dimensjoni esterna: Il-prosperità tal-Ewropa hija bbażata fost affarijiet oħra fuq kemm hi miftuħa għad-dinja. Bħala l-ikbar poter ekonomiku fid-dinja u l-ikbar esportatur u importatur tal-prodotti u s-servizzi, it-tieni l-ikbar sors u riċevitur tal-investiment barrani dirett u l-iktar żona li tagħti għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, it-tisħiħ tal-aġenda internazzjonali tal-Ewropa f’termini ta’ għanijiet ċari u fuq perijodu twil huwa importanti ħafna. Fid-dawl ta’ poteri ekonomiċi globali ġodda u l-impatt tal-kriżi ekonomika internazzjonali, huwa iktar importanti għall-UE li jkollha qafas ġdid, uniformi u b’saħħtu għall-attivitajiet esterni tagħha sabiex tiżgura ftuħ tas-swieq adegwat, ġust u sostenibbli, tgħolli l-istandards normattivi abbażi tad-drittijiet involuti, tħeġġeġ il-multilateraliżmu u d-djalogu mal-imsieħba prinċipali u toħloq żona benefiċjali ta’ progress għaż-żewġ naħat li tinkludi wkoll ir-reġjun tal-Mediterran u l-Afrika. Jekk dan iseħħ, l-Ewropa u l-mudell tagħha tal-ekonomija soċjali tas-suq ser tibqa’ mudell eżemplari għall-bqija tad-dinja u ser tkun tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha fil-livell internazzjonali b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għas-swieq u l-materja prima filwaqt li tiżgura li l-kundizzjonijiet internazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu ġusti, li l-iżvilupp sostenibbli jista’ jaqbad tajjeb u li kulħadd ikun jista’ jgawdi mill-benefiċċji tal-globalizzazzjoni.

4.   Rakkomandazzjonijiet dwar l-għanijiet ta’ Lisbona

4.1.   Li jinżammu l-miri attwli u jiżdiedu fuq il-perijodu medju: Minkejja l-isfidi l-ġodda u l-ostakli assoċjati mal-kriżi attwali, l-aġenda ta’ wara l-2010 m’għandhiex tinjora l-miri attwali. Il-KESE jipproponi li l-miri komuni tal-istrateġija attwali għandhom jinżammu iżda li jiġu stabbiliti wkoll għanijiet ambizzjużi li għandhom jiġu implimentati sal-2015. Għalhekk pereżempju r-rati tar-riċerka għandhom jiżdiedu b’ 3,5 % (fejn adatt, flimkien ma’ għan iktar mifrux għall-investiment fl-innovazzjoni) u l-għanijiet ta’ iktar impjiegi u impjiegi aħjar u għall-edukazzjoni inizjali u kontinwa għandhom ikomplu jiżdiedu.

4.2.   Jitqies il-punt tat-tluq tal-pajjiżi individwali tal-UE skont il-kontribut nazzjonali tagħhom: il-kapaċitajiet ekonomiċi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jipproponi, hekk kif sar meta ġew stabbiliti l-miri kwantitattivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, li s-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali tiġi kkunsidrata u li l-kontributi nazzjonali ambizzjużi fil-linji gwida tal-istrateġija jiġu evalwati u diskussi fil-qafas tal-UE-27.

4.3.   L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ għanijiet kwalitattivi: Barra minn hekk l-aġenda futura għandha tinkludi l-għanijiet kwalitattivi li matul dawn l-aħħar snin, matul ir-rilanċ tal-Israteġija taLisbona ngħataw il-ġenb (pereżempju l-indikaturi ta’ Laeken li jkejlu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja (14)).

4.4.   Il-ħolqien ta’ għanijiet ġodda fejn hemm lakuni: Barra minn hekk, fil-qafas tal-linji gwida integrati, hemm bżonn li jinħolqu għanijiet ġodda jew speċifiċi b’mod partikolari fl-oqsma fejn kien hemm progress limitat jew lakuni fil-politika ta’ riforma ta’ qabel. Għalhekk, il-KESE jipproponi l-linji gwida tiegħu b’għanijiet li jistgħu jitkejlu fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fejn jidħlu impjiegi li ma jipprovdux ħarsien soċjali adegwat, it-transizzjoni lejn ekonomija li tuża livell baxx tal-karbonju, il-ġlieda kontra l-faqar (inkluż dawk li jbatu l-faqar minkejja li għandhom xogħol) u l-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali (pereżempju appoġġ adegwat fil-każ ta’ qgħad jew fejn bniedem ma jistax jaħdem, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi pubbliċi).

5.   Rakkomandazzjonijiet dwar il-governanza

5.1.   It-tisħiħ tar-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej: L-istrateġija l-ġdida jeħtieġ li tkun iktar inċiżiva. It-tisħiħ tar-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej huwa importanti ħafna fid-dawl tal-kriżi attwali. Sa mill-ispinta li ngħatat l-Istrateġija ta’ Lisbona fl-2005, l-azzjoni tal-Kummissjoni saret iktar viżibbli b’mod partikolari fil-qasam tal-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-linji gwida speċifiċi għall-pajjiżi kif ukoll l-eżempji tal-aħjar prattika. Saret sejħa għal diskussjoni pubblika fil-Kunsill sabiex jinżamm ir-ritmu li nkiseb fil-proċess sħiħ. Fl-istrateġija mġedda dawn l-elementi għandhom jiġu eżaminati iktar bir-reqqa u jiġu żviluppati. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz mill-ġdid sabiex itejbu l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta’ skambji transkonfinali tal-aħjar prattika permezz tal-metodi ta’ komunikazzjoni elettroniċi. Dawn il-metodi madanakollu jiddependu minn kemm l-Istati Membri ser jingħataw qafas Ewropew li fih jistgħu jiksbu l-miri Komunitarji. Fejn ikun hemm bżonn, għandhom jiġu żviluppati strumenti ġodda u innovattivi.

5.2.   It-tisħiħ tal-effettività tal-MMK fl-Istati Membri: Il-MMK bħala s-“sinsla metodika” tal-Istrateġija ta’ Lisbona ser jiġi ssuġġerit għal oqsma oħra fit-Trattat ta’ Riforma tal-UE. Għall-KESE, il-problema tal-MMK, apparti l-profil baxx, hija n-nuqqas ta’ effettività tiegħu fil-livell nazzjonali. Għalhekk huwa importanti li l-miri ma jkomplux jitqiesu kif ħafna drabi kienu jitqiesu s'issa, jiġifieri bħala “punti mixtieqa” iżda jsiru obbligi politiċi. Għalhekk, jeħtieġ li jinsabu mezzi u strumenti li permezz tagħhom dawn il-miri jsiru iktar vinkolanti u joħolqu inċentivi għall-Istati Membri sabiex jippruvaw jilħqu l-impenji stabbiliti li dwarhom qablu b’mod iktar konsistenti. Sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar, fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida, għandhom jiġu involuti mhux biss il-ministri ekonomiċi u tal-finanzi iżda anki ministri oħra b’mod partikolari tax-xogħol u l-ministri soċjali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jingħataw spinta r-rwol u l-viżibilità tal-imsieħba soċjali Ewropej billi r-riżultati tad-djalogu makroekonomiku tripartitiku jintehmżu f’anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa.

5.3.   Il-monitoraġġ tal-għanijiet ta’ Lisbona permezz tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri: Ir-rwol speċjali tal-KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili tas-soċjetà ċivili għandu jkompli jissaħħaħ fil-qafas tal-proċeduri konsultattivi u l-kompetenzi tal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri individwali (15). Ir-rapporti rilevanti li għandhom jitfasslu mill-KES għandhom jinkludu analiżi tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona li għandhom jitressqu għand il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, li mbagħad għandhom jiġu mħeġġa jfasslu l-konklużjonijiet tagħhom. Il-KES u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jistiednu lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni sabiex jiddiskutu ċ-ċirkustanzi speċifiċi nazzjonali. Barra minn hekk il-KES għandhom ikunu involuti fil-konsultazzjonijiet attwali tal-Kummissjoni. Iż-żamma tal-iskambju tal-fehmiet u l-esperjenza bejn il-KESE u l-KES nazzjonali dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma u l-aġenda ta’ Lisbona għandhom importanza partikolari f’dan il-qasam.

5.4.   Iktar kredibbiltà permezz ta’ pareċipazzjoni mtejba tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali: Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni għall-fatt li sabiex l-Istrateġija ta’ Lisbona tiġi implimentata b’mod iktar effettiv, hemm bżonn mhux biss li l-istituzzjonijiet Ewropea jassumu r-responsabbiltà sħiħa iżda anki li jitqiesu b’mod sħiħ l-interessi tas-soċjetà u jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvern, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri (16).

Matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, il-koordinaturi nazzjonali ta’ Lisbona għandhom jaħdmu flimkien b’mod konsistenti mal-partijiet interessati kollha.

Hemm bżonn li jittieħdu iktar passi sabiex fil-qafas tal-proċeduri ta’ konsultazzjani u tal-kompetenzi tal-imsieħba soċjali, jiġi appoġġjat id-djalogu li għaddej fl-Istati Membri. Dan id-djalogu għandu jinkludi wkoll lill-KES nazzjonali u jiġbor fih potenzjalment ukoll partijiet interessati tas-soċjetà ċivili oħra (NGOs, organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali eċċ.) u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u t-think thanks.

Kull ċiklu tal-Istrateġija ta’ Lisbona jista’ jintemm b’konferenza li tinvolvi lill-partijiet interessati prinċipali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha sabiex jitqiesu s-suċċessi u d-diffikultajiet.

L-ostakli strutturali għall-inklużjoni effettiva tal-parlamenti nazzjonali u għal djalogu ġenwin mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu eliminati. Dan jinkludi, pereżempju, l-evitar tal-limiti taż-żmien stretti, li diġà saret norma għat-tfassil tal-programmi nazzjonali ta’ riforma fix-xhur tas-sajf, u li jinħatru individwi responsabbli mill-Istrateġija ta’ Lisbona li f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE ftit li xejn huma midħla tad-djalogu soċjali.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom ixerrdu iktar informazzjoni dwar ir-riżultati tad-djalogu ċivili u soċjali dwar l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

Sabiex jiġi ggarantit approċċ uniformi fil-qasam tal-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika, il-prinċipji ta’ sħubija tal-Fondi Strutturali għandhom jiġu implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri u l-istrumenti tal-MMK għandhom jintużaw b’mod iktar konsistenti.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Jeżistu differenzi konsiderevoli fir-rigward tal-qafas istituzzjonali għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika nazzjonali: F’bosta pajjiżi tal-UE hemm KES. F’ħafna mill-Istati Membri ġodda jeżistu kumitati tripartitiċi (imsieħba soċjali u rappreżentanti tal-gvern), pajiżi oħra m’għandhomx KESE iżda għandhom mezzi oħra ta’ kif jintegraw l-interessi tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jixtieq jiġbor il-kontribut tal-ikbar numru possibbli ta’ korpi rappreżentattivi.

(2)  Ara CESE 1468/2005 riv “L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona – Rapport ta’ sintesi għall-Kunsill Ewropew”, 23-24.03.2006; CESE 40/2008 “L-istrateġija mġedda ta’ Lisbona 2008–2010: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata”, il-Kunsill Ewropew, 13–14.03.2008.

(3)  Dwar is-suċċess relattiv u l-fallimenti fil-ksib tal-għanijiet ta’ Lisbona, ara s-sintesi ta’ M.J. Rodrigues, “Europe, Globalisation and the Lisbon Agenda (2009)”, p. 16.

(4)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Governanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 13.

(5)  Ara http://www.eurofound.europa.eu/ewco/reports/TN0403TR01/TN0403TR01_3.htm, Part-time work in Europe, Dublin-Foundation, 2004.

(6)  Ara s-sett ta’ indikaturi dwar il-kwalità tax-xogħol adottati mill-Kunsill Ewropew ta’ Laeken fl-2001: COM(2001) 313 finali “L-impjieg u l-politiki soċjali: qafas sabiex ninvestu fil-kwalità” (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, PT_TA(2008)0467, 9.10.2008.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”, COM(2008) 800 finali, 16 ta’ Novembru 2008.

(9)  Sinteżi tal-ftehimiet rilevanti bejn l-imsieħba soċjali Ewropej: http://europa.eu/legislation_summaries/employment_and_social_policy/social_dialogue/c10132_en.htm.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali (2008/2250(INI).

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”ĠU C 182, 4.8.2009, p.71, Punt 5.4.

(12)  B’rabta ma’dan, ikun utli ħafna li jitwaqqaf forum dwar l-integrazzjoni Ewropea li jlaqqa’ l-istituzzjonijiet tal-UE, il-partijiet interessati u l-NGOs taħt il-patroċinju tal-KESE.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riforma fil-baġit tal-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur”ĠU C 204, 9.8.2008, p. 113.

(14)  Ara COM(2001) 313 finali “Il-politika tax-xogħol u l-politika soċjali: qafas għall-investimenti fil-kwalità” (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Il-KESE jisħaq li dan bl-ebda mod ma jinterferixxi mal-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tal–imsieħba soċjali fl-Istati Membri individwali li jeżistu.

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Gvernanza effettiva tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda”, ĠU C 175, 28.07.2009, p.13.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni soċjali”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/03)

Relatur: Is-Sinjura KING

F’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008, is-Sinjura Cecilia Malmström, il-Ministru Svediż għall-Affarijiet Ewropej, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

L-Inklużjoni soċjali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.

Matul il-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi għandha tagħti iktar attenzjoni lill-għanijiet tal-koeżjoni soċjali, skont ir-rapport il-ġdid li tressaq mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Settembru 2009. Ir-rapport tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali jgħid li l-protezzjoni soċjali waħidha mhijiex biżżejjed għall-prevenzjoni tal-faqar u l-esklużjoni, u jitlob li qabel kollox tingħata attenzjoni lill-għanijiet bħall-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u l-promozzjoni tal-miżuri tal-inklużjoni attiva.

Ġeneralment, il-persuni fqar jew bi ftit kwalifiki, il-migranti jew il-minoritajiet etnokulturali, il-persuni b’diżabbiltà, iżolati, b’alloġġ fqir jew mingħajr dar ikunu fost l-ewwel vittmi tal-esklużjoni.

Għalkemm ix-xogħol ma jfissirx awtomatikament li jiġu evitati l-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar, għadu l-aħjar mod li bih titrawwem l-inklużjoni soċjali

1.2.   Il-Presidenza Svediża għandha l-ambizzjoni li taġixxi kontra l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika fuq it-tkabbir u l-impjieg fil-livell kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. Il-Presidenza tixtieq tagħti prijorità lill-azzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri fis-suq tax-xogħol li ser jimminimizzaw il-qgħad, inaqqsu n-numru tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u jirritornaw lura fis-suq tax-xogħol lil dawk li dan l-aħħar tilfu xogħolhom. Fl-istess ħin il-Presidenza tixtieq li tħejji s-sisien għall-ħolqien tal-impjiegi li huma fit-tul u sostenibbli.

1.3.   Is-summit tal-G20 li ġie konkluż dan l-aħħar iddikjara li dis-sena l-Istati Membri, inkluża l-UE, irnexxielhom joħolqu kif ukoll isalvaw l-impjiegi, li jfisser li, għal numru ta’ ċittadini Ewropej l-impatt tal-kriżi ġie mminimizzat. L-isforzi tal-Istati Membri ffukaw b’mod partikulari fuq is-sostenn taż-żamma tax-xogħol u s-salvagwardja tad-dħul tal-familja.

1.4.   Madankollu, l-isfida li qed tiffaċċja l-UE hi li bosta ċittadini ta’ età tajba għax-xogħol m’għandhomx aċċess għal impjieg anki waqt il-perijodu riċenti ta’ tkabbir ekonomiku. Barra minn hekk, ċerti ċittadini ma jaqalgħux biżżejjed biex joħorġu lilhom infushom mill-faqar. Wieħed jista’ jikkonkludi li, anki minkejja l-azzjoni determinata għall-appoġġ tal-irkupru, dan il-grupp żdied tul dawn l-aħħar 18-il xahar u l-impatt soċjali tar-riċessjoni għadu mhux viżibbli bis-sħiħ.

1.5.   Il-KESE jemmen li għandha ssir aktar enfasi fuq dawk l-individwi li huma l-aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol, b’mod speċjali billi tingħata spinta ’l quddiem lill-isforzi sabiex jiġu implimentati l-prinċipji komuni dwar l-inklużjoni attiva approvata mill-Kunsill f’Diċembru 2008. Dawn huma dawk l-individwi li għandhom livell baxx ta’ ħiliet u li għandhom inqas aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, dawk li għandhom responsabbiltà ta’ kura (l-aktar in-nisa), dawk li jirtiraw kmieni, persuni b’diżabbiltà, minoranzi, migranti u żgħażagħ.

1.6.   Il-KESE jirrakkomanda li jintuża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex tiġi identifikata l-aħjar prattika fit-transizzjonijiet mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg, u t-transizzjonijiet mill-attivitajiet ċivili u tal-familja għall-impjieg, u biex jiġu ttrattati l-ostakoli strutturali għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni soċjali inġenerali.

1.7.   Il-KESE jagħraf li s-servizzi soċjali u l-protezzjoni huma dipendenti ħafna fuq il-finanzjament pubbliku li numru ta’ Stati Membri beħsiebhom inaqqsu minħabba l-kriżi attwali. Għaldaqstant huwa jopponi kull inizjattiva li tista’ tikkomprometti s-solidarjetà li fuqha tistrieħ il-protezzjoni soċjali u li hija ta’ tant ġid għall-Ewropa. Għandhom jintgħażlu miżuri li jżommu l-protezzjoni u li fl-istess ħin jiffavorixxu t-transizzjoni lejn l-impjieg u ż-żamma tal-impjieg..

1.8.   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja (LLL) biex tiżdied l-impjegabbiltà taċ-ċittadini tiegħu u jinnota l-paradoss li dawk li għandhom inqas edukazzjoni għandhom l-inqas aċċess għal-LLL. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ intitolament u aċċess effettiv għaċ-ċittadini kollha.

1.9.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u mhux biss fil-qasam tal-impjieg iżda wkoll fil-qasam tad-djar, is-saħħa u l-inklużjoni territorjali.

2.   Sfond u kuntest

2.1.   L-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-avvanzi teknoloġiċi, il-globalizzazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, minkejja li hija pożittiva, koeżistiet ma’ livelli persistenti ta’ faqar inġenerali u fix-xogħol, segmentazzjoni konsiderevoli tas-suq tax-xogħol, u progress marġinali biss f’dak li għandu x’jaqsam mad-djar domestiċi mingħajr impjieg. Peress li impjieg ta’ kwalità huwa l-aħjar salvagwardja kontra l-faqar u l-esklużjoni, din l-opinjoni tiffoka b’mod speċjali fuq ir-rabta bejn l-impjieg u l-inklużjoni.

2.2.   Il-kriżi finanzjarja globali hija l-aktar sfida riċenti li nfirxet fl-ekonomija reali, waqt li l-qagħda tas-suq tax-xogħol qed tiddeterjora sew bħala riżultat ta’ tnaqqis fid-domanda u kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti (1). Ir-rata tal-qgħad fl-UE ta’ 27 Stat Membru, li hija aġġustata skont l-istaġun, f’Marzu 2009 kienet ta’ 8,3 % meta mqabbla ma’ dik ta’ 6,7 % f’Marzu 2008 Dan jirrappreżenta bidla fit-tendenza tal-qgħad peress li r-rata f’UE ta’ 25 Stat Membru preċedentament kienet naqset fis-snin ta’ qabel minn 8,9 % f’Marzu 2005 għal 8,4 % f’Marzu 2006 sa 7,3 % f’Marzu 2003 Għalkemm l-istampa fil-livell tal-pajjiż individwali tidher differenti, l-Istati Membri kollha u ħafna setturi huma affettwati mit-tnaqqis serju fl-attività ekonomika internazzjonali. Il-pajjiżi l-aktar affettwati huma Spanja, l-Irlanda u l-pajjiżi Baltiċi, b’rati tal-qgħad li rduppjaw, jew fil-każ tal-pajjiżi Baltiċi, kważi ttripplaw. Huwa mistenni li din it-tendenza se tkompli. (2 3 12 17)  (2 3 12 17).

2.3.   L-illaxkar monetarju attwali u l-pakketti ta’ stimolu fiskali introdotti fi kważi l-Istati Membri kollha bħala reazzjoni kontra din il-kriżi l-aktar riċenti, huma maħsuba sabiex l-ewwel jistabbilizzaw is-sistemi finanzjarji, jittaffew l-impatti soċjali negattivi, u mbagħad jikkontribwixxu għall-irkupru tat-tkabbir. L-iskop għal azzjoni tal-Istati Membri huwa differenti ħafna iżda hemm tendenza li tingħata attenzjoni konsiderevoli għall-politiki sabiex il-ħaddiema jinżammu fl-impjieg, tiġi promossa l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġi appoġġat id-dħul tan-nies, li l-persuni li xtraw dar fuq self jiġu protetti milli jitilfu d-dar tagħhom, li jiġi promoss l-aċċess għall-kreditu kif ukoll li jsir investiment fl-infrastrutturi soċjali u tas-saħħa kemm biex l-impjieg jingħata spinta ’l quddiem kif ukoll biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi (4). Madankollu, il-Presidenza Svediża temmen li l-miżuri maħsuba sabiex jiġġieldu din il-kriżi għandhom imorru id f’id mar-riformi strutturali meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-oħra tal-UE (eż. il-bidla demografika, il-globalizzazzjoni) peress li qabel ma bdiet din il-kriżi, għadd kbir ta’ ċittadini Ewropej li setgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol ma kellhomx aċċess għal impjieg, minkejja r-rendiment ekonomiku relattivament favorevoli.

2.4.   Il-Presidenza Svediża tixtieq tiffoka fuq:

2.4.1.   kif l-Istati Membri tal-UE għandhom jittrattaw b’mod konġunt l-effetti taż-żieda li saret fi żmien qasir tal-qgħad bħala riżultat tal-kriżi ekonomika;

2.4.2.   liema riformi effettivi jistgħu jżidu l-mobbiltà fis-suq tax-xogħol, inklużi l-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tal-persuni għax-xogħol.

L-għan hu li tittieħed azzjoni kontra l-effetti fi żmien qasir tal-kriżi u li tittieħed azzjoni sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jiksbu l-objettiv fuq medda twila ta’ żmien ta’ livelli ogħla ta’ impjieg fi ħdan il-qafas tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi.

3.   L-Impjieg u l-Inklużjoni Soċjali

3.1.   Nippromovu t-transizzjonijiet siguri

3.1.1.   It-transizzjoni u l-mobilità soċjali dejjem kienu jagħmlu parti mill-ħajja fl-Ewropa. Il-bidliet li ġabet magħha l-globalizzazzjoni jenfasizzaw il-ħtieġa għal sistemi ekonomiċi u soċjali ta’ governanza li huma orjentati b’mod attiv kemm lejn it-transizzjonijiet kif ukoll lejn il-mobilità soċjali. Ir-rabta tal-istrateġiji ta’ attivazzjoni, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni tal-ħaddiema mal-protezzjoni soċjali għandha tiġi meqjusa bħala objettiv ta’ politika. Fil-kitba nsibu msemmija mill-inqas ħames transizzjonijiet (5): mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg; it-transizzjoni fost forom differenti ta’ impjieg, inkluż l-impjieg indipendenti; transizzjonijiet bejn l-impjieg u l-attivitajiet ċivili u tal-familja; bejn l-impjieg u d-diżabbiltà; bejn l-impjieg u l-irtirar. L-iskop hu li nikkonvinċu lin-nies li t-transizzjonijiet huma vijabbli u li nħeġġuhom ifittxu impjieg b’mod attiv u fl-istess ħin nipprovdulhoml-appoġġ meħtieġ u nħarsuhom mill-bżonnijiet materjali.

3.1.2.   It-transizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg hija ta’ tħassib partikulari, peress li bosta żgħażagħ ġew esklużi b’mod disproporzjonat mis-suq tax-xogħol tul il-perijodu ta’ tkabbir u issa qed jiġu affettwati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika (6). Minkejja li l-livelli tal-kwalifiki taż-żgħażagħ huma ogħla fil-preżent meta mqabbla mal-ġenerazzjonijiet preċedenti, dawn qed jidħlu fis-suq tax-xogħol aktar tard, qed jesperjenzaw inqas stabbilità tal-impjieg, u huma esposti aktar għas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u għall-qgħad. Il-KESE jinnota u jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-azzjoni “Ngħinu liż-żgħażagħ issa” (7), iżda jistaqsi dwar kif ser jiġu evalwati u riveduti t-taħriġ u l-apprendistat ta’ kwalità għal rilevanza kontinuwa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ saru fl-opinjoni tiegħu dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (8). Il-KESE jfakkar li l-migranti, il-persuni minn minoranzi etniċi, ġenituri waħedhom u dawk li għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet huma f’periklu partikulari li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol u mis-soċjetà.

3.1.3.   It-transizzjonijiet bejn l-impjieg u l-attivitajiet ċivili u tal-familja għandhom impatt kbir fuq in-nisa u fuq l-għażliet disponibbli għalihom fir-rigward tat-tip ta’ kuntratti tax-xogħol jew it-tul ta’ żmien barra mis-suq tax-xogħol. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu msaħħa l-miżuri li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi.

3.2.   It-tfassil u t-twassil ta’ politika integrata, azzjonijiet speċifiċi u governanza mtejba

3.2.1.   Hekk kif qed tinbena l-esperjenza tal-politiki ta’ transizzjoni, ċerti karatteristiċi ta’ “politika ta’ transizzjoni tajba” qed jidhru aktar ċari. L-inċentivi u l-appoġġ qed jirriżultaw kritiċi. Il-politiki ta’ transizzjoni tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu kkunsidrati b’mod konġunt mal-istrateġiji tal-inklużjoni, b’mod partikulari meta nirreferu għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol li għalihom huma meħtieġa aktar sforzi sistematiċi. Il-Kumitat jappoġġja l-fehma (9) li l-kriżi tagħmel aktar urġenti u meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ inklużjoni attivi u komprensivi li jikkombinaw u jibbilanċjaw miżuri maħsuba għal swieq tax-xogħol inklużivi, aċċess għal servizzi ta’ kwalità u dħul minimu adegwat.

3.2.2.   Għal dik il-parti l-kbira tal-popolazzjoni ta’ età tajba għax-xogħol li teħtieġ li tagħmel it-transizzjoni lejn l-impjieg, il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (10) biex ikun hemm involviment aktar b’saħħtu u koordinazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda wkoll il-personalizzazzjoni tal-interventi. Dan huwa importanti peress li jekk jiġu riformati s-servizzi ta’ konsulenza li huma “qrib” tan-nies jew li huma lokali għalihom u li jipprovdu rotot personalizzati – jekk mhux għall-individwi, għallinqas għall-gruppi – dan ikun vitali għar-riforma. Proġetti u organizzazzjonijiet ta’ ekonomija soċjali huma bosta drabi fuq quddiem tal-approċċi li jippromovu rotot ta’ appoġġ fid-dħul fix-xogħol u fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għall-persuni l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol.

3.2.3.   Il-KESE jirrakkomanda wkoll, f’dan il-kuntest, li d-djalogu soċjali għandu jiġi kkomplementat minn djalogu ċiviku. Għadd ta’ Stati Membri diġà għandhom imwaqqaf xi forma ta’ dan it-tip ta’ djalogu. Dan ser joħloq l-opportunità biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom l-esperjenza u l-għarfien kif ukoll il-konnessjonijiet b’saħħithom li soltu jkollhom ma’ gruppi vulnerabbli – inklużi dawk li jgħixu fil-faqar, tfal, żgħażagħ, familji f’sitwazzjonijiet prekarji tal-ħajja, migranti u minoranzi etniċi, persuni b’diżabbiltà, anzjani – jiġu inklużi bħala riżorsi importanti fit-tfassil tal-politiki sabiex tiżdied l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa. Ir-riċerka turi li din il-kwalità u l-profiċjenza, inklużi l-għarfien u l-kapaċità li jiġu ttrattati gruppi żvantaġġati min-naħa tal-professjonisti li qed jipprovdu s-servizzi u l-istituzzjonijiet tagħhom, hija element importanti ta’ prattika tajba.

3.2.4.   Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (11) li biex jitjiebu l-opportunitajiet għal min huwa żvantaġġat sabiex jirnexxi fis-suq tax-xogħol, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet pubbliċi, is-servizzi privati tal-impjieg, is-servizzi soċjali, is-servizzi għall-edukazzjoni għall-adulti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda wkoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni bejn tipi differenti ta’ interventi ta’ servizz bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, u d-djar, peress li dan huwa element prinċipali ta’ prattika tajba.

3.3.   L-Istrateġija ta’ Lisbona

3.3.1.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tal-UE tqiegħed enfasi iktar qawwija fuq l-inklużjoni soċjali ġewwa l-UE. Bħala objettiv ġenerali poġġiet il-ħtieġa li jkun hemm moviment lejn ekonomija aktar komprensiva kapaċi li tikkombina l-effiċjenza u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi aħjar b’livelli għolja ta’ protezzjoni soċjali u koeżjoni soċjali u ekonomika akbar. Din hija l-bażi fundamentali tal-mudelli ekonomiċi u soċjali Ewropej. Jeħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal wara l-2020 ikollha viżjoni ċara tal-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja s-soċjetà bi strumenti riveduti għall-oqsma tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE huwa fil-proċess li jipproduċi l-opinjoni tiegħu dwar suċċessur għall-Istrateġija ta’ Lisbona (2 3 12 17).

3.3.2.   L-Istrateġija ta’ Lisbona enfasizzat kif il-ħolqien tal-impjiegi jiddependi ħafna fuq il-politiki tal-impjiegi attivi, qafas makroekonomiku b’saħħtu, investiment fil-ħiliet, ir-riċerka u l-infrastruttura, regolamentazzjoni u promozzjoni aħjar tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Hekk kif is-swieq tax-xogħol ikomplu jiddeterjoraw bħala reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività ekonomika, huwa meħtieġ li tittieħed aktar azzjoni peress li l-impatt ewlieni tar-riċessjoni huwa fuq in-nies. Is-swieq tax-xogħol Ewropej ser jiġu mibdula sew minn din il-kriżi. Il-ħaddiema u l-kumpaniji għandhom jingħataw il-mezzi meħtieġa sabiex jaġġustaw b’suċċess għal dawn ir-realtajiet li qed jinbidlu: biex jinżammu l-impjiegi, jiżdiedu l-ħiliet fil-livelli kollha, b’mod speċjali dawk bi ftit ħiliet, in-nies jerġgħu jmorru għax-xogħol u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

3.4.   Il-kunċett li nittrattaw il-flessigurtà fi żmien ta’ kriżi (13)

Bħala strateġija integrata sabiex jiżdiedu kemm il-flessibbiltà kif ukoll is-sigurtà tas-suq tax-xogħol u biex jiġu appoġġjati dawk li qegħdin temporanjament barra minnu, il-KESE jemmen li:

3.4.1.   Il-flessigurtà hija aktar u aktar importanti u adegwata fil-kuntest ekonomiku diffiċli attwali karatterizzat minn qgħad li qed jiżdied, il-faqar, is-segmentazzjoni u l-isfida urġenti tal-istimolazzjoni tat-tkabbir, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u aħjar u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali;

3.4.2.   L-implimentazzjoni tal-flessigurtà teħtieġ mhux biss komponenti għall-protezzjoni soċjali li jkunu ta’ appoġġ iżda wkoll inċentivi ta’ xogħol ċari b’suq tax-xogħol miftuħ u li jibbaża fuq il-ħiliet, li jifformaw il-bażi tal-komponenti l-oħra, flimkien ma’ politiki li jindirizzaw l-ostakoli strutturali għall-parteċipazzjoni u l-promozzjoni taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, inklużi impjiegi ta’ kwalità. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar permezz tal-ftuħ tas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini kollha, u partikolarment għall-gruppi vulnerabbli;

3.4.3.   Il-prinċipji komuni tal-flessigurtà, bħala mezz biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, flimkien ma’ strateġiji ta’ inklużjoni attivi u komprensivi għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, jipprovdu strateġija politika komprensiva biex jiġu kkoordinati l-isforzi biex jiġu mmaniġġati l-effetti fuq l-impjiegi u l-impatt soċjali tal-kriżi, u biex isiru t-tħejjijiet għal meta l-ekonomija tirpilja.

3.4.4.   Il-KESE jilqa’ l-ftehim tal-imsieħba soċjali tal-UE biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-UE tal-flessigurtà u biex ma jintesewx l-esperjenzi li minnhom ittieħdet tagħlima. Il-KESE huwa fil-proċess li jipproduċi opinjoni dwar il-flessigurtà biex jikkontribwixxi għal dan l-eżerċizzju (14). Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex itejbu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji komuni dwar l-inklużjoni attiva, u lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-progress regolarment.

4.   Il-Politika tal-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali

4.1.   Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali potenzjalment huma assi maġġuri għall-inklużjoni soċjali peress li dawn għandhom status barra mis-suq, jinvolvu azzjonijiet pożittivi min-naħa tal-Istat, u f’kuntest ta’ responsabbiltà soċjali kollettiva, jaħdmu kontra l-kundizzjonijiet li jillimitaw il-kapaċità tal-individwi u tal-gruppi żvantaġġati biex jgħixu ħajja dinjituża. Is-suċċess tal-Welfare State Ewropew, b’mod speċjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, huwa dokumentat sew u jirrifletti l-valur ta’ qofol Ewropew tas-solidarjetà rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fehma tal-Kumitat, is-sett ta’ sfidi li jisbqu lill-oħrajn għall-protezzjoni soċjali bħalissa huwa li jiġu żgurati l-bżonnijiet fundamentali tal-persuni, u li jkunu disponibbli għal kulħadd anki jekk ivarjaw l-applikazzjoni tagħhom skont il-pajjiż, kif ukoll li jiġu ffaċilitati transizzjonijiet tajbin, kif ġie diskuss qabel. Hija meħtieġa azzjoni sabiex it-transizzjonijiet isiru vijabbli u jitjieb l-aċċess għall-impjiegi għal gruppi speċifiċi bi problemi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell tad-dħul baġitarju tal-Istati Membri, billi titnaqqas l-ispiża (mhux ta’ salarju) ta’ min iħaddem biex iqabbdu lil min jaħdem billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; u jiġi esplorat il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi b’mod speċjali għal dawk li ma tantx għandhom ħiliet; jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol; titjieb l-istruttura tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex ix-xogħol isir aktar vijabbli, inkluż il-piż tat-taxxa fuq it-tieni dħul; jiġu pprovduti inċentivi għal min hu qiegħed sabiex jibdew in-negozju tagħhom (eż. permezz ta’ taħriġ intraprenditorjali u mikrokrediti), billi jkun żgurat l-aċċess għas-servizzi meħtieġa li jippermettu l-parteċipazzjoni. Għal dawk li ma jistgħux jaħdmu, għandu jiġi pprovdut appoġġ ta’ dħul adegwat.

4.2.   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-kompetizzjoni qawwija li ġejja mill-globalizzazzjoni u l-impatt tal-kriżi ekonomika jagħmluha aktar essenzjali biex ikun hemm biżżejjed protezzjoni soċjali kontra r-riskji soċjali, inkluż il-qgħad, u biex tiġi msaħħa l-funzjoni tal-protezzjoni soċjali bħala investiment soċjali għall-benefiċċju kemm tal-kompetittività ekonomika kif ukoll tal-inklużjoni soċjali. Ir-riforma m’għandhiex titħalla tipperikola l-prinċipji ta’ solidarjetà li huma l-bażi tal-protezzjoni soċjali u li kienu siewja għall-Ewropa. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-bidla hija essenzjali, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali m’għandhomx ikunu xettiċi għall-bidliet u għandhom jiġu ggwidati minn politika ta’ riforma soċjali koerenti, koordinata u fit-tul, li tkun kapaċi tipprovdi protezzjoni u transizzjonijiet ta’ appoġġ fi żmien qasir jew twil.

Għalhekk huwa importanti li jiġu kkunsidrati modi kif il-komponenti varji tal-protezzjoni soċjali jibdew jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għall-inklużjoni soċjali u ekonomika. F’dan il-kuntest il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal dan li ġej.

4.3.1.   Jitqiesu l-iżbilanċ demografiku u l-bidla fil-familja

4.3.1.1.   Il-prospett tat-tixjiħ tal-popolazzjoni f’ħafna pajjiżi Ewropej iqajjem kwistjonijiet varji mil-lat tal-inklużjoni soċjali. Diġà bdiet tittieħed azzjoni f’bosta pajjiżi. Il-kwistjoni li qed tidher l-aktar, għalkemm mhux dejjem qed tiġi ttrattata b’mod effettiv, hija ż-żieda fil-proporzjon tal-popolazzjoni intitolata għall-pensjoni kif ukoll il-ħtieġa għal servizzi ta’ saħħa u kura soċjali. Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (11) li jiġi promoss l-impjieg ta’ ħaddiema kbar fl-età, kif ukoll li jiġu stimulati d-domanda u l-impjiegi fis-settur tal-kura billi jiġu introdotti eżenzjonijiet mit-taxxi u inċentivi oħra. Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni li tiskoraġġixxi l-iskemi tal-irtirar bikri titlob diskussjoni dettaljata dwar il-kundizzjonijiet qafas, l-iskop, il-miżuri politiċi ta’ akkumpanjament eċċ. sabiex ma jinħolqux problemi soċjali għall-anzjani b’mod partikolari. Il-KESE diġà ta kontribut ċentrali f’dan il-qasam.

4.3.1.2.   Aspett ieħor li jikkontribwixxi għas-sitwazzjoni demografika huwa li bosta politiki, b’mod partikulari l-politiki tal-familja, ma jgħinux biżżejjed biex jippermettu lin-nies jissodisfaw ix-xewqa tagħhom li jkollhom it-tfal (15). Il-KESE jixtieq b’mod speċjali jiġbed l-attenzjoni ta’ min ifassal il-politika għall-opinjoni tiegħu dwar il-familja u l-bidla demografika (16). Kull pajjiż jeħtieġ politika tal-familja, waħda li tirrispetta r-rieda ta’ kull ċittadin (inklużi t-tfal), li tagħti valuri lill-ħajja tal-familja, li tindirizza l-impatt kbir, speċjalment fuq it-tfal, tal-falliment tal-familja, il-vjolenza u l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li hija viċin tal-ħajja u x-xewqat taċ-ċittadini. Politika komprensiva tal-familja għandha, għalhekk, tkun prijorità ta’ qofol għal kull pajjiż Ewropew, li tgħaqqad id-dħul, il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, l-aċċess tal-ġenituri għal impjiegi full-time ta’ kwalità, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u kulturali, il-provvediment u t-tħejjia tal-impjieg u tal-infrastruttura (2 3 12 17).

4.3.2.   It-titjib tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad u l-promozzjoni tal-integrazzjoni

4.3.2.1.   L-assigurazzjoni kontra l-qgħad huwa benefiċċju soċjali importanti, li jipprovdi sigurtà għall-ħaddiema li ġew qiegħda jew bla xogħol, b’mod speċjali fuq sfond fejn il-kriżi ekonomika kif ukoll il-kompetizzjoni jeħtieġu ristrutturazzjoni kontinwa. Jekk din tkun sostanzjali, l-assigurazzjoni kontra l-qgħad tista’ tkun ukoll fattur għal fluwidità ekonomika u tiffaċilita l-mobilità tax-xogħol. Madankollu, f’ċerti pajjiżi l-assigurazzjoni kontra l-qgħad tfisser sempliċiment id-distribuzzjoni passiva ta’ benefiċċji, mingħajr sistema adegwata għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol (jiġifieri t-transizzjoni mill-qgħad għax-xogħol) jew għal taħriġ immirat lejn kisba ta’ impjieg sostenibbli. Bħala prinċipju ġenerali, l-infiq tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad għandu jsir aktar attiv. Għal dan il-għan jista’ jiġi bbażat, kif diġà huwa l-każ f’bosta pajjiżi, fuq ftehimiet individwali għad-dħul mill-ġdid għax-xogħol, li huma prerekwiżit għall-intitolament għall-benefiċċji. Ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni hija li jipprovdu sistemi adegwati ta’ appoġġ, integrazzjoni u taħriġ, u aċċess għal servizzi oħra li joħolqu opportunitajiet. L-element preventiv huwa importanti wkoll. Għal dan il-għan, hemm bżonn ta’ intervent bikri li jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ttrattat il-faqar tat-tfal flimkien mat-tfassil ta’ politika effettiva għal aktar taħriġ tul il-ħajja li tista’ tinvolvi xi ċaqliq fl-edukazzjoni fil-korsa tal-ħajja.

4.3.2.2.   It-transizzjoni u l-integrazzjoni huma importanti għall-gruppi oħra wkoll, pereżempju għal vittmi ta’ inċidenti, persuni diżabilitati minn mard, persuni b’diżabbilitajiet (it-transizzjoni mill-impjieg għall-qgħad minħabba diżabbiltà). L-ewwel nett dan iqajjem il-kwistjoni ta’ dħul minn sostituzzjoni, u t-tieni nett il-kwistjoni tar-ritorn jew l-aċċess għall-impjieg. Li persuna jkollha dħul hija kundizzjoni neċessarja għal għajxien indipendenti, iżda mhux neċessarjament kundizzjoni suffiċjenti. F’ħafna każijiet ftit għadha tingħata prijorità għall-integrazzjoni tal-persuni involuti fil-ħajja tax-xogħol, minkejja d-dispożizzjonijiet legali għal dan il-għan. Ħafna drabi arranġamenti prattiċi għal assistenza u appoġġ biex jinstab jew jitkompla impjieg huma ta’ piż u mhux adegwati. La r-rekwiżiti għall-intitolament u lanqas l-ammont tal-kumpens m’għandu jiskoraġġixxi lill-persuni kkonċernati milli jiksbu riabilitazzjoni funzjonali jew professjonali, jew milli jerġgħu lura għax-xogħol. Anzi, dawn għandhom iħeġġuhom biex jagħmlu hekk. Madankollu, ir-riformi li jċaqalqu l-enfasi minn miżuri passivi għal dawk attivi, m’għandhomx jinsew l-objettivi stipulati fil-Kodiċi Ewropew tas-Sigurtà Soċjali u l-Protokolli tiegħu. Il-kunċett ta’ impjieg adegwat għandu jkun wieħed li jimmira li jkun hemm garanzija li persuni bla xogħol jiġu ddirezzjonati lejn l-impjieg li juża l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom fl-aktar modi produttivi u effettivi għall-benefiċċju tas-soċjetà sħiħa. Madankollu, dawk il-persuni li għalihom ix-xogħol mhuwiex għażla għandhom ikunu assigurati appoġġ ta’ dħul suffiċjenti biex jgħixu ħajja dinjituża.

5.   Il-promozzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja

5.1.   L-Istati Membri joperaw sistemi u livelli differenti ħafna ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali għal persuni fil-forza tax-xogħol. Il-fatt li edukazzjoni u taħriġ addizzjonali fost iċ-ċittadini tal-UE huma mqassmin b’mod inugwali ħafna – dawk li għandhom l-aħjar edukazzjoni jirċievu aktar taħriġ u edukazzjoni addizzjonali tul il-karriera tagħhom fis-suq tax-xogħol milli dawk li għandhom inqas edukazzjoni – joħloq sfida ta’ politika kbira fi żmien ta’ globalizzazzjoni u fit-tnaqqis attwali tal-attività ekonomika. Minħabba li huma dawk li għandhom inqas edukazzjoni li qegħdin f’periklu ikbar li jkollhom jibdlu jew jitilfu x-xogħol, wieħed mill-aktar rekwiżiti ta’ politika importanti huwa li jkun żgurat aċċess aħjar – kif ukoll parteċipazzjoni akbar – għat-taħriġ u l-edukazzjoni minn grupp ta’ nies li għandhom anqas edukazzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob għal intitolament aktar effettiv għal taħriġ għaċ-ċittadini kollha, b’mod speċjali l-gruppi l-aktar esklużi, li jixtiequ jżidu l-għażliet tagħhom fis-suq tax-xogħol.

5.2.   Il-fatt li bidliet fil-kuntest soċjali, ekonomiku, politiku u teknoloġiku se jirriżultaw f’aġġustamenti suċċessivi fil-ħiliet jimplika wkoll li għandu jkun hemm riflessjoni dettaljata dwar il-kontenut tat-taħriġ ġenerali, b’mod speċjali jekk l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu aktar alinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Għalhekk huwa essenzjali 1) li tingħata edukazzjoni fuq bażi soda liż-żgħażagħ kollha u 2) li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet attwali u futuri li għandhom jiġu analizzati f’livell lokali u/jew nazzjonali sabiex tiġi riflessa d-diversità fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Il-KESE jinnota l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar “il-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” (18), u se jagħti r-risposta tiegħu fid-dettall.

5.3.   Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-karrieri tax-xogħol m’għandhomx jitħallew jibdew bl-esperjenza tal-qgħad. Għalhekk huwa essenzjali li dawk kollha li ser jispiċċaw l-iskola, li għandhom ir-rieda u l-kapaċità, jiġu offruti iktar edukazzjoni jew post fi skema ta’ taħriġ professjonali, u li jkunu mħeġġa jaċċettaw. Għal aktar dettalji dwar ir-rispons tal-KESE, ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (19).

6.   L-akkomodazzjoni bħala fattur għall-inklużjoni soċjali

6.1.   Il-kundizzjoni ta’ nies li m’għandhomx dar fejn joqogħdu hija waħda mill-aktar forom severi tal-esklużjoni. Ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea rratifikaw trattati u konvenzjonijiet internazzjonali li jirrikonoxxu u jipproteġu d-dritt għall-akkomodazzjoni: id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 25), il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (Artikolu 11), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 27), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (Artikoli 14 u 15), il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Artikolu 8), il-Karta Soċjali Ewropea (Artikoli 15, 16, 19, 23, 30, 31) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 34, paragrafu 3).

6.2.   Fl-Ewropa il-kriżi tal-akkomodazzjoni taffettwa 70 miljun persuna li jgħixu f’kundizzjonijiet inadegwati ta’ akkomodazzjoni, fejn madwar 18-il miljun minnhom qed jiġu mhedda li ser jitkeċċew minn fejn qegħdin u 3 miljuni minnhom m’għandhomx fejn jgħixu. Din iċ-ċifra qed tikber iktar bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja globali, li qed twassal biex madwar żewġ miljun familja fl-Ewropa jitilfu djarhom peress li mhux qed ikunu jistgħu jħallsu l-pagamenti tagħhom tal-proprjetà (20). L-Istati Membri jeħtieġu li jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni sabiex jimminimizzaw l-impatt fuq iċ-ċittadini tagħhom, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli.

6.3.   Dan it-telfien ta’ djar iwassal għall-oppost tal-inklużjoni soċjali, b’żieda mbassra fid-domanda għal akkomodazzjoni diċenti bi prezz li jista’ jintlaħaq, inqas sigurtà fil-pussess tal-kuntratti tad-djar, riskju akbar ta’ teħid ta’ proprjetà minħabba li ma jsirx il-ħlas dovut, u theddida akbar ta’ tkeċċija. Dawk li se jiġu affettwati se jkunu ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni bla xogħol, il-foqra u l-migranti, kif ukoll familji bi dħul medju. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jkun garantit it-trattament ugwali fir-rigward tal-akkomodazzjoni, u għandu jiġi stabbilit it-tfassil ta’ mekkaniżmi li jipprojbixxu t-tkeċċija mid-djar, b’mod partikulari għal gruppi differenti ta’ persuni vulnerabbli.

Il-KESE jilqa’ l-użu tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni bħala qafas għall-iskambju ta’ prattiki ġodda, u għall-OMC Soċjali fl-2009 l-għażla tat-temi ta’ enfasi tal-persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, u jirrakkomanda li dan ikompli jiżdied billi jissaħħu l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE fir-rigward ta’:

6.4.1.   programmi għall-provvediment ta’ akkomodazzjoni diċenti bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu;

6.4.2.   programmi li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-akkomodazzjoni u proġetti sperimentali għal tipi ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali, li huma sensittivi għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-multikulturaliżmu u l-kwistjoni tal-esklużjoni soċjali, bi sħubija tal-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-investituri soċjali.

6.5.   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (21) li l-inklużjoni finanzjarja hija prekondizzjoni għall-aċċess sostenibbli għas-suq tad-djar, u li għandhom ikunu disponibbli appoġġ u konsulenza adegwata għal dawk li qed jiffaċċjaw it-theddida li jitkeċċew minn fejn qegħdin u li jittiħdilhom l-alloġġ tagħhom.

7.   Politika Territorjali bħala Fattur għall-Inklużjoni Soċjali

7.1.   Il-politiki li jiffukaw fuq il-provvista tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu infurmati u kkumplimentati minn dawk li jagħtu attenzjoni lill-oqsma territorjali jew ġeografiċi. Ix-xogħol kollu dwar l-inklużjoni soċjali jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta’ reġjuni u lokalitajiet li huma żvantaġġati. F'ħafna każijiet il-fatturi li jikkawżaw dan l-iżvantaġġ huma infrastrutturali – li jinvolvu provvista fqira ta’ servizzi, utilitajiet u faċilitajiet oħra kif ukoll nuqqas ta’ impjiegi – u jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-livell ambjentali u soċjali. L-għarfien li qed jirriżulta jqiegħed enfasi kbira fuq il-livell lokali, u juri kif problemi u inadegwatezzi jistgħu jirkbu waħda fuq l-oħra sa ma jiffurmaw lokalitajiet magħmula mhux biss minn nies vulnerabbli iżda li, minħabba din u raġunijiet oħra, ikunu vulnerabbli huma wkoll. In-nuqqas ta’ investiment ta’ kapital, kemm jekk lokali, nazzjonali jew barrani, f’dawn l-oqsma jkompli jiggrava l-iżvantaġġ.

7.2.   Għalhekk, objettiv ta’ politika għandu jkun li jiġu evitati l-iżbilanċi madwar iż-żoni u r-reġjuni, u li jkun żgurat li jsir provvediment adegwat għaż-żoni partikolarment żvantaġġati. F’dan ir-rigward l-inizjattivi lokali għandhom parti importanti, kif għandhom ukoll dawk li huma maħsuba għar-riġenerazzjoni soċjali ta’ lokalitajiet jew żoni residenzjali foqra li qegħdin fi stat ħażin. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ investiment fl-infrastruttura fiżika iżda wkoll ta’ enfasi fuq il-bini mill-ġdid tal-infrastruttura soċjali u komunitarja u tal-kapital soċjali ta’ dawn iż-żoni.

7.3.   L-impjieg huwa speċjalment importanti sabiex jiġi megħlub l-iżvantaġġ fuq il-bażi ta’ żona. L-impjieg li huwa disponibbli lokalment iservi biex inaqqas il-faqar, jippromovi l-inklużjoni soċjali u jżid il-kunfidenza u r-riżorsi ta’ dawk li ġew esklużi mis-soċjetà. Dan iservi wkoll sabiex iżid ir-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra disponibbli lokalment. Min-naħa l-oħra, l-aċċess għas-servizzi huwa prerekwiżit għall-ħolqien tal-impjieg fil-livell lokali. Il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali f’dan it-tip ta’ inizjattivi u oħrajn – bħalma huwa l-iżvilupp ta’ mikrointrapriżi mmexxija lokalment – hija importanti ħafna.

7.4.   Il-KESE huwa konvint li, flimkien mal-oqsma klassiċi tal-politika ta’ inklużjoni soċjali, għandu jitwaqqaf qasam – jew element li għandu jingħata attenzjoni – ġdid ta’ politika. Il-qofol ta’ dan għandu jkun il-ħolqien ta’ soċjetà attiva u integrata. Sa ċertu punt hemm element komuni sinifikanti bejn dan u l-istrutturi ta’ politika (eż. kif jiġu ttrattati l-akkomodazzjoni, il-livell baxx ta’ ħiliet), iżda hija wkoll sors ta’ tħassib li għandu jiġi indirizzat speċifikament minn politika fiha nnifisha.

7.5.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni (22) biex jiġi mobilizzat u aċċellerat il-finanzjament bl-użu ta’ faċilità ġdida tal-UE tal-mikrofinanzjament għall-impjieg sabiex jiġu żviluppati mikrointrapriżi u l-ekonomiija soċjali. Il-KESE jemmen li politika territorjali għandha tkun prijorità bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, awtoritajiet u komunitajiet lokali rilevanti, inkluża l-ekonomija soċjali.

8.   Il-ġestjoni tad-diversità u l-integrazzjoni ta’ migranti

8.1.   Id-diversità kulturali hija rikonoxxuta fuq firxa wiesgħa bħala karatteristika deskrittiva tal-Ewropa iżda l-governanza fis-soċjetajiet Ewropej mhux dejjem hija multikulturali. Fil-fehma tal-KESE l-inklużjoni soċjali teħtieġ li tindirizza kif is-soċjetajiet Ewropej jittrattaw il-minoranzi (eż. ir-Roma (23)) u l-migranti. Hemm modi differenti kif dan jista’ jiġi esplorat u rranġat.

8.2.   Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi esplorata l-kombinazzjoni tal-“pluraliżmu” u l-“ugwaljanza” bħala kundizzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali. Taf tkun ta’ sfida għas-soċjetà ospitanti, il-minoranzi u l-migranti li japprezzaw il-kulturi u l-valuri ta’ xulxin. Il-KESE jirrakkomanda: min-naħa tal-pajjiż ospitanti, dawn jinkludu miżuri biex jiġu identifikati l-kontribuzzjonijiet tal-migranti kif ukoll il-fatturi li jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni, l-iżvantaġġ u l-eżklużjoni. Hemm bżonn li l-minoranzi u l-migranti jesprimu r-rieda li jakkomodaw għar-regoli u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż ospitanti, mingħajr ma jitilfu l-identità u l-għeruq kulturali tagħhom. Għal aktar dettalji jekk jogħġbok ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (19).

8.3.   Għandu jiġi enfasizzat ukoll ir-rwol tad-djalogu interkulturali, kemm bħala parti mid-djalogu ċiviku jew bħala djalogu fih innifsu. Fost l-għanijiet ta’ politika possibbli ta’ dan it-tip ta’ attività insibu dawn li ġejjin:

jiġu stabbiliti proċeduri għall-bini tal-fiduċja f’futur komuni u f’valuri ċiviċi bħalma hija l-ġustizzja, it-tolleranza, ir-rispett għal-libertà u d-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-solidarjetà u r-responsabbiltà soċjali, u t-trawwim tas-sens ta’ appartenenza u r-rikonoxximent reċiproku;

tiġi msaħħa l-inklużjoni soċjali permezz tal-integrazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-migranti;

jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-politiki kollha għall-“element ta’ ġustizzja minn dimensjoni kulturali” tagħhom, inklużi l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-punt 2.1 tal-opinjoni tal-KESE tal-11.6.2009 (CESE1037/2009) dwar ir-Riżultati tas-Summit dwar l-Impjiegi, relatur: Is-Sur Greif.

(2)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/pls/portal/docs/PAGE/PGP_PRD_CAT_PREREL/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009_MONTH_02/3-27022009-EN-AP.PDF. (password protected).

(3)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/pls/portal/docs/PAGE/PGP_PRD_CAT_PREREL/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009_MONTH_02/3-27022009-EN-AP.PDF. (password protected)

(4)  http://ec.europa.eu/social/keyDocuments.jsp? type =3 & policyArea =750 & subCategory =758 & country =0 & year =0 & advSearchKey = & mode = advancedSubmit&langId = en:L-aġġornament sħiħ li jmiss huwa mistenni f’Novembru 2009.

(5)  Schmid, G. (2002) Wege in eine neue Vollbeschäftigung, Übergangsarbeitsmärkte und aktivierende Arbeitsmarktpolitik, Frankfurt: Campus Verlag.

(6)  http://ec.europa.eu/youth/news/news1389_en.htm

(7)  F’“Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali p.8.

(8)  Ara l-punt 5 tal-opinjoni tal-KESE tat-12.7.2007 dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona)” relatur: is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007).

(9)  Ara: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do? uri = OJ:L:2008:307:0011:0014:EN:PDF.

(10)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 13.

(11)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 9.

(12)  Ara r-“Rapport Integrat dwar l-implimentazzjoni u l-futur tal-istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, DI CESE 22/2009 riv. 2, relatur: W. Greif (għadu qed jiġi mħejji).

(13)  Abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill “Il-flessigurtà fi żminijiet ta’ kriżi SOC 374 ECOFIN 407”, 10388/09

(14)  Ara: “Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji”, CESE 794/2009, Relatur is-Sur Salvatore, korelatur is-Sur Calvet Chambon (għadha qed tiġi mħejjija).

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE “Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ”, CESE 937/2009, relatur: Is-Sinjura Prud'homme

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-14.03.2007 dwar “Il-familja u l-bidla demografika”, relatur: is-Sur Buffetaut (ĠU C 161, 13.7.2007).

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE “L-integrazzjoni u l-aġenda soċjali”, R/CESE 1304/2009, relatur: Is-Sur Pariza Castaños, korelatur: is-Sur Almeida Freire (qed titħejja)

(18)  Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, COM(2008) 868 finali. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett, R/CESE 836/2009, relatur: Is-Sinjura Drbalová (għadha qed tiġi mħejjija).

(19)  Ara nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Ref: http://www.habitants.org/noticias/inhabitants_of_europe/european_platform_on_the_right_to_housing_2009

(21)  Ara r-Rapport Konġunt tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2009, 7309/09, Taqsima 2 paragrafu 8.

(22)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 11.

(23)  Opinjoni tal-KESE “L-integrazzjoni tal-minoranzi – ir-Roma”, CESE 1207/2008, relatur is-Sinjura Sigmund, il-korelatur: is-Sinjura Sharma (ĠU C 27, 3.2.2009).


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-prospetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/04)

Relatur: is-Sur EHNMARK

Nhar it-18 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-prospetti marbuta mal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’178 vot favur, 21 vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport li tippubblika l-Kummissjoni kull sentejn dwar “L-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli” (1). Ir-rapport iservi bħala bażi għad-dibattitu kontinwu dwar kif l-UE għandha timplimenta l-istrateġija tagħha b’rabta mal-iżvilupp sostenibbli.

1.2.   Il-KESE jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni li fil-perijodu li jmiss l-istrateġija għandha tagħti prijorità lit-teħid ta’ azzjoni fir-rigward ta’ erba’ suġġetti ewlenin – ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u riżorsi naturali oħrajn, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tal-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx b’mod aktar dettaljat l-analiżi tagħha u ma ressqitx proposti speċifiċi għal miri, skedi u azzjonijiet f’dawn l-oqsma.

1.3.   Minkejja xi ftit tendenzi pożittivi, huwa ċar li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE fil-forma attwali tagħha mhux qed tilħaq l-għanijiet tagħha.

1.4.   Sabiex l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun effettiva, hija teħtieġ struttura ta’ governanza kompletament ġdida b’allokazzjoni adegwata ta’ persunal u baġit kif ukoll mekkaniżmi ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-istrateġija.

1.5.   Il-KESE jixtieq li jkun hemm koordinazzjoni aktar effettiva fi ħdan il-Kummissjoni, possibbilment billi jinħatar kummissarju li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll it-twaqqif ta’ kumitat indipendenti ta’ livell għoli li jkollu r-rwol li jissorvelja l-progress tal-iżvilupp sostenibbli fuq bażi regolari u jagħmel rakkomandazzjonijiet pubbliċi lill-istituzzjonijiet.

1.6.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex mill-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE joħolqu metastrateġija għall-politiki kollha tal-UE. L-istrateġiji l-oħra tal-UE li huma bbażati fuq perijodi iqsar ta’ żmien għandhom jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli futura tal-UE. Ħafna mill-politiki adottati llum il-ġurnata ser ikollhom impatt għal għexieren ta’ snin. Il-miżuri temporanji m’għandhomx ixekklu l-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-ġenerazzjonijiet futuri.

1.7.   F’din l-opinjoni, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni aktar effettiva bejn l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Fit-tfassil tal-Istrateġija ġdida ta’ Lisbona jew l-Istrateġija 2020, il-Kummissjoni għandha tintalab turi b’mod espliċitu kif l-azzjonijiet li għandhom jiġu proposti f’dik l-istrateġija jappoġġjaw it-transizzjoni fit-tul għal xejra ta’ żvilupp iktar sostenibbli. Il-perspettivi finanzjarji futuri, il-fondi strutturali, il-PAK, il-programmi qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-istrateġiji u programmi ewlenin kollha l-oħra fil-livell Ewropew b’mod simili għandhom jiġu mitluba juru kif qed jimxu ’l quddiem fl-objettivi u l-miri tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli.

1.8.   Il-PDG fil-forma attwali tiegħu ma jistax jibqa’ parametru deċiżiv fit-tfassil tal-politika. Il-progress u l-benesseri tal-bniedem m’għandhomx jibqgħu jitkejlu bil-mod li tkejlu s’issa. Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta’ indikaturi tal-progress li jmorru lil hinn mill-PDG. B’rabta ma’ dan hemm bżonn li jitnieda dibattitu dwar il-valuri li l-UE tixtieq tippromovi.

1.9.   L-iżvilupp sostenibbli jitlob impenn u ħidma fil-livell lokali. Impenn ta’ dan it-tip jitlob kooperazzjoni attiva mill-imsieħba soċjali kollha, u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha.

1.10.   Sabiex tiġi implimentata l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, huwa essenzjali li dawk li jfasslu l-politika jerfgħu responsabbiltà ċara. Dan japplika għal-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Dan ifisser li anke l-Parlament Ewropew għandu rwol ċar x’jaqdi. Il-Kumitat jirrakkomanda t-twaqqif ta’ makkinarju għal evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-progress nazzjonali meta mqabbel ma’ indikaturi miftiehma minn qabel, segwita minn gwida speċifika skont il-pajjiż dwar kwistjonijiet ewlenin li jirrikjedu attenzjoni. Din tista’ tissejjes fuq il-mekkaniżmu li twaqqaf b’suċċess għall-monitoraġġ tal-progress li jsir fuq l-aġenda ta’ Lisbona.

1.11.   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkonsultatx mal-KESE u organizzazzjonijiet oħra dwar ir-rapport qabel ma fasslet il-proposti tagħha, minkejja li t-test adottat mill-Kunsill jitlob li ssir din il-konsultazzjoni. Daqstant importanti huwa l-fatt li l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom jiġu kkunsidrati. Il-Kumitat saħħaħ il-kapaċità ta’ integrazzjoni tiegħu stess fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli bit-twaqqif tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tliet snin ilu, u dan il-korp min-naħa tiegħu stabbilixxa konsultazzjoni regolari mal-Kunsilli nazzjonali tal-Iżvilupp Sostenibbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-makkinarju għandu jintuża b’mod iktar sistematiku biex jiżgura kontribut kreattiv tas-soċjetà ċivili għall-aġġornament u l-monitoraġġ tal-progress li jsir fl-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa.

1.12.   Huwa importanti b’mod partikolari li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun qed taħdem tajjeb qabel is-Summit Dinji li jmiss dwar l-iżvilupp sostenibbli f’Rio fl-2012.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2009) 400 finali tal-24 ta’ Lulju 2009) dwar żvilupp aktar fil-fond tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tirrappreżenta sfortunatament pass modest biss ’il quddiem. Veru li, minn naħa, tenfasizza n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, però ma tipproponi l-ebda miżura b’saħħitha sabiex jingħelbu dawn in-nuqqasijiet fil-futur.

2.1.1.   F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar li kienet preċiżament din il-kwistjoni ta’ sinjali politiċi ċari li kienet waħda mil-“leitmotifs” tad-djalogi mal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament.

2.1.2.   Id-deċiżjonijiet dwar is-sinjali politiċi jeħtieġu tħejjija tajba. Il-KESE jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni setgħet talloka biss riżorsi marġinali għall-iżvilupp tal-bażi għat-tħejjija ta’ din is-sena tal-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli.

2.2.   Id-dokument tal-Kummissjoni jipprovdi dik li tista’ tissejjaħ sensiela ta’ “snapshots” tal-progress li sar rigward is-seba’ oqsma ta’ prijorità u l-kwistjonijiet trasversali. Dawn isarrfu f’analiżi utli li turi x’għandu jingħata prijorità akbar u fejn hemm bżonn li ssir analiżi aktar fil-fond.

2.3.   Id-dokument juri li l-iżviluppi li ġew rapportati huma kważi għal kollox insodisfaċenti. F’dawn l-aħħar snin, il-kwistjonijiet marbuta mal-klima u l-enerġija ngħataw ħafna attenzjoni, iżda r-riżultati għadhom ġeneralment negattivi. It-trasport huwa qasam ieħor fejn il-politika ma rnexxilhiex trażżan it-tendenza favur żieda fl-emissjonijiet. B’mod ġenerali, l-istejjer ta’ suċċess jinsabu biss f’ċerti miżuri iżolati – xi proposta leġiżlattiva promettenti jew inizjattiva innovattiva – iżda ma jeżisti l-ebda mudell konsistenti li kapaċi jbiddel it-tendenza negattiva.

2.4.   Il-KESE m’għandux ħsieb jikkummenta fuq l-evalwazzjoni skematika tal-Kummissjoni li għamlet għal kull qasam ta’ politika, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-evalwazzjoni hija pjuttost skoraġġanti. Ir-riżultat jenfasizza l-bżonn ta’ sforzi politiċi aktar serji fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

2.5.   Il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli ilhom jingħataw prijorità għolja għal numru ta’ snin. Eżempju ieħor huwa l-użu ta’ materja prima fil-produzzjoni. L-istatistika turi li l-UE u l-Istati Uniti jużaw id-doppju tal-ammont ta’ materja prima għal kull unità ta’ prodott milli, pereżempju, il-Ġappun. Dan huwa qasam li permezz tar-razzjonalizzazzjoni għandu potenzjal konsiderevoli ta’ effiċjenza.

2.6.   Il-Kummissjoni tagħti prijorità speċjali lill-ħidma maħsuba biex tinkorpora d-dimensjoni soċjali u l-kwistjonijiet soċjali kemm fl-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll fi strateġiji attwali tal-UE għall-iżvilupp (l-Istrateġija ta’ Lisbona, eċċ.). Il-fatt li ’l fuq minn 70 miljun Ewropew jgħixu fil-faqar (skont id-definizzjoni użata minn, fost l-oħrajn, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE) jixhed għall-importanza ta’ din il-ħidma. Ir-rabta bejn il-kwistjonijiet marbutin mal-migrazzjoni u l-iżviluppi fl-għadd ta’ nies li jgħixu fil-faqar hija kwistjoni ewlenija.

3.   Strateġija fi kriżi?

3.1.   Il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli tnediet fil-konferenza ta’ Rio de Janeiro kważi għoxrin sena ilu. Il-messaġġ li ħareġ minn din il-konferenza kien ċar u konvinċenti: għix b’tali mod li ma tikkompromettix il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Għaxar snin wara, il-konklużjonijiet tas-summit ta’ Johannesburg (is-Summit Dinji tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg fl-2002) kellhom reazzjonijiet qawwija ħafna: sa fl-aħħar, kellna pakkett komplut ta’ proposti għal żvilupp soċjali ġust fil-livell dinji.

3.2.   Bħala parti mit-tħejjijiet għas-summit ta’ Johannesburg, l-UE adottat l-ewwel Strateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħha (COM(2001) 264 finali, “Żvilupp sostenibbli fil-livell tal-UE għal dinja aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli”).

3.3.   L-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli ġiet adottata fir-rebbiegħa tal-2001 f’atmosfera ta’ ewforja. Is-sitwazzjoni bdiet issir aktar ikkumplikata ftit tas-snin wara.

3.4.   Mhux li l-istrateġija nnifisha kellha x’taħti, u kien hemm bosta li taw l-appoġġ entużjastiku tagħhom fost l-atturi mis-soċjetà ċivili, u fost il-politiċi u dawk li jsawru l-opinjoni pubblika.

3.5.   Il-problema kienet marbuta aktar mal-fatt ta’ nuqqas ta’ rieda (jew kapaċità) ġenwina li l-viżjonijiet jibdew jiġu implimentati fil-forma ta’ programm ta’ azzjoni konkret.

3.6.   L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ġiet riveduta fl-2006 permezz tar-“Reviżjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli − Strateġija Mġedda”. Ir-reviżjoni ma ċċaratx aktar il-kwistjonijiet marbuta mal-prijoritajiet u l-metodi għall-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, l-UE żviluppat programmi ġodda dwar pereżempju t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.7.   F’dawn l-aħħar snin, it-tensjoni bejn il-viżjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-programmi għat-tkabbir u l-kompetittività ħarġet fid-dieher. Id-differenzi huma marbuta pereżempju mal-perspettiva taż-żmien: filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona għandha perspettiva fuq perijodu ta’ żmien medju, l-iżvilupp sostenibbli huwa kkaratterizzat minn perijodu ta’ żmien itwal. Dan jista’ jwassal biex fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Lisbona tingħata preferenza lill-miżuri li huma effettivi fuq perijodu ta’ żmien qasir iżda li jikkontradixxu l-għanijiet tas-sostenibbiltà fuq perijodu ta’ żmien twil.

3.8.   L-opinjoni ġenerali favur analiżi mill-ġdid tal-mod li bih il-kompiti jitqassmu bejn iż-żewġ strateġiji qed tiżdied. Il-fużjoni ta’ dawn l-istrateġiji tista’ tiżgura l-applikazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi allokati.

3.9.   Madankollu, l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jintwera l-bżonn li tingħata ħajja ġdida lill-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, ħalli b’hekk ikun jista’ jservi ta’ gwida kemm fil-qasam tal-ħidma fl-Ewropa kif ukoll dik dinjija.

4.   X’tgħallimna?

4.1.   F’dawn l-aħħar snin, il-KESE adotta mill-anqas għaxar opinjonijiet dwar aspetti differenti tal-istrateġija, kif ukoll ta’ ħarsa ġenerali dwar kif l-istrateġija tista’ tiġi żviluppata aktar. It-tema ġenerali kienet li l-iżvilupp sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jiġu żviluppati b’mod koordinat – allavolja qegħdin ikklassifikati f’kategoriji separati (2).

4.2.   Il-KESE identifika tliet fatturi li flimkien jistgħu jispjegaw għala ż-żewġ strateġiji kellhom impatt differenti:

Waħda mir-raġunijiet hija l- tagħhom: l-Istrateġija ta’ Lisbona tirreaġixxi għal kwistjonijiet politiċi immedjati, filwaqt li l-iżvilupp sostenibbli jindirizza l-kwistjoni ta’ prijoritajiet fuq perijodu ta’ żmien twil. Id-differenza tista’ titqies ukoll mil-lat tal-partijiet involuti: filwaqt li l-Istrateġija ta’ Lisbona hija appoġġjata mill-kapijiet ta’ stat jew gvern, l-iżvilupp sostenibbli jiġi sikwit immaniġġjat mill-ministri għall-ambjent. Din id-differenza tiġi riflessa wkoll fit-tqassim tar-riżorsi: kemm fil-Kumissjoni kif ukoll fl-Istati Membri, l-ammont ta’ persunal li jaħdem fil-qasam tas-sostenibbiltà huwa sostanzjalment inqas mill-ammont li jaħdem fil-qasam tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

: veru li l-Istrateġija ta’ Lisbona tista’ ma tkunx magħrufa ħafna, iżda almenu qed toqrob lejn dan fi gruppi pjuttost mifruxa, mentri l-iżvilupp sostenibbli jitqies bħala teoretiku u diffiċli jkun marbut ma’ azzjoni politika konkreta.

: l-Istrateġija ta’ Lisbona għandha sistema rigoruża għall-ippjanar u l-monitoraġġ skont standards u kalendarji komuni, mentri l-iżvilupp sostenibbli huwa marbut ma’ sistema aktar flessibbli li tinvolvi l-adozzjoni ta’ prijoritajiet komuni u evalwazzjoni konġunta. Minħabba f’hekk, l-Istrateġija ta’ Lisbona tista’ tagħmel pressjoni aktar sfiqa fuq l-Istati Membri, filwaqt li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli hija marbuta aktar ma’ intenzjonijiet ġenerali.

4.3.   L-aktar evalwazzjoni kumplessiva reċenti tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli saret qabel ir-reviżjoni tagħha fl-2006. Fil-linji gwida riveduti marbuta mal-istrateġija, il-Kunsill enfasizza l-importanza fundamentali li jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-ħidma nazzjonali u Ewropea fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. L-iżvilupp ta’ prijoritajiet ċari għall-ħidma fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli kien meqjus bħala aspett importanti ħafna. Intqal ukoll f’evalwazzjoni li saret bi tħejjija għar-rapport ta’ kull sentejn tal-Kummissjoni (2008) li sar progress “fl-oqsma ta’ diskussjonijiet dwar iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ ċerti prodotti u t-tnaqqis tal-iskart”, u f’għadd kbir ta’ inizjattivi marbuta mal-ħarsien tal-ambjent (“Progress on EU Sustainable Development Strategy” – (Progress fil-qasam tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE), Rapport finali, ECORYS).

4.4.   Importanti niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli ma ġietx żviluppata biżżejjed. F’dawk is-setturi li fihom l-UE tagħti kontribut finanzjarju kbir, is-sostenibbiltà tal-investimenti għandha tingħata l-ikbar prijorità.

5.   It-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli: xi perspettivi

5.1.   L-UE qdiet rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ strateġiji globali marbuta mal-iżvilupp sostenibbli. Ħafna pajjiżi u gruppi ta’ reġjuni jqisu li l-UE qiegħda fuq quddiem nett tal-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Jekk l-UE tista’ tkun quddiem nett ukoll rigward it-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli, inkunu mxejna ’l quddiem ħafna.

5.2.   Waħda mill-ħafna problemi tal-istrateġija fil-forma attwali tagħha hija l-għadd kbir ta’ prijoritajiet: seba’ oqsma ewlenin u erba’ temi trasversali. Probabbilment, l-istrateġija kien ikollha impatt aktar qawwi kieku kellha prijoritajiet aktar ċari. Sabiex l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE jkollha impatt akbar, huwa importanti wkoll li tkun magħmula minn għanijiet ċari u kwantifikabbli.

5.3.   Barra minn hekk, ma nistgħux nibqgħu nevitaw il-fatt li minkejja li l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat fuq tliet pilastri, mhux il-miżuri kollha jistgħu dejjem ikunu ta’ benefiċċju bl-istess mod mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku. Ma jistax ikun hemm dejjem sitwazzjonijiet “win-win-win”. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, pass li jiddependi ħafna drabi minn għażliet diffiċli. Ħafna drabi, fil-passat, il-prijoritajiet kienu bbażati fuq interessi ekonomiċi għal perijodu qasir. Sfortunatament, jidher li din it-tendenza issa qed terġa’ tiġi ripetuta fil-kriżi ekonomika attwali fil-programmi ta’ ristrutturar.

5.4.   Is-settur pubbliku għandu jaqdi rwol ta’ tmexxija importanti fil-promozzjoni tas-sostenibbiltà. Permezz tal-leġiżlazzjoni, l-inċentivi fiskali, is-sussidji (u permezz tal-eliminazzjoni ta’ sussidji ta’ ħsara) kif ukoll permezz tal-akkwisti pubbliċi, dawk inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet jistgħu jagħtu spinta essenzjali lejn il-kisba ta’ livell akbar ta’ sostenibbiltà.

5.5.   Il-perspettiva finanzjarja ġdida li tibda mill-2014 għandha tkun ibbażata fuq l-għanijiet tal-istrateġija futura għall-iżvilupp sostenibbli.

5.6.   L-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE għandha tindirizza l-problema tas-sussidji ta’ ħsara. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex fl-aħħar tressaq il-pjan direzzjonali għar-riforma tas-sussidji ta’ ħsara li ilu mistenni mill-2008.

5.7.   Il-fatt li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tingħata ħajja ġdida m’għandux iwassal għal kontroll ċentralizzat akbar. L-iżvilupp sostenibbli għandu jkun akkumpanjat minn strateġiji ġodda għad-delegazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

5.8.   L-iżvilupp sostenibbli jissejjes fuq interventi impenjati fil-livell lokali. Fid-disgħinijiet, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u l-imsieħba soċjali kienu l-ixpruni li stimulaw l-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. L-organizzazzjonijiet tal-volontarjat għandhom jaqdu rwol fundamentali fit-tiġdid ta’ strateġija għall-iżvilupp sostenibbli.

5.9.   Attur ieħor importanti fil-ħidma futura huwa l-gvern lokali u reġjonali, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali.

5.10.   Bosta jgħidu li hemm bżonn ta’ impenn aktar sfiq mill-industrija. In-negozji għandhom rwol ovvju u ċar x’jaqdu fit-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa minnu li jeżisti interess dejjem akbar fl-industrija dwar kwistjonijiet marbuta mal-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

6.   Argumenti favur it-tiġdid tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli

6.1.   Huwa importanti li l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tiġġedded? Din il-mistoqsija tista’ tidher stramba. Fid-dawl tal-fatt li ta’ kuljum tingħata informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ klima u enerġija, l-agrikoltura u l-bijodiversità, fost affarijiet oħra, ċertament jidher li hemm appoġġ bil-bosta biex issir ħidma konkreta dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.

6.2.   It-tisħin tal-klima huwa kwistjoni speċifika li ġiet pubbliċizzata konsiderevolment u ħoloq għadd kbira ta’ rapporti ta’ twissija, pereżempju r-rapport Stern. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ekosistemi, il-proġett TEEB (The Economics of Ecosystems and Biodiversity) enfasizza l-perikli involuti jekk ser inkomplu nnaqqsu l-bijodiversità u nagħmlu pressjoni eċċessiva fuq l-ekosistemi.

6.3.   Il-qasam tal-agrikoltura fis-sens wiesa’ tal-kelma ser jiffaċċja problemi ġodda minħabba ż-żieda fit-temperaturi. Il-kwistjoni ta’ kif il-qasam tal-agrikoltura ser jirnexxilu jadatta ruħu għall-kondizzjonijiet il-ġodda tal-produzzjoni hija aspett ewlieni tal-politika agrikola tal-ġejjieni.

6.4.   Il-lista tista’ faċilment tkun ferm itwal. Il-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet huma magħrufa bis-saħħa tad-dibattitu ġenerali. Tingħata inqas attenzjoni għall-fatt li l-konsegwenzi fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum jidhru li ser jaslu qabel iż-żmien mistenni.

6.5.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex mill-istrateġija għall-iżvilupp tal-UE toħloq metastrateġija għall-politiki kollha tal-UE. L-istrateġiji l-oħra tal-UE għandhom jagħtu kontribut sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli futura tal-UE u jsaħħu s-sostenibbiltà.

6.6.   Il-KESE jappoġġja bil-qawwi l-iżvilupp kontinwu u l-użu ta’ indikaturi tal-progress li jmorru lil hinn mill-PDG. Ir-rapport reċenti tal-Kummissjoni Stiglitz reġa’ għamilha ċara li l-PDG mhux kapaċi jagħti l-linji gwida għad-deċiżjonijiet wiesgħa li għandna nieħdu bħalissa. Anzi huwa jiggwidana ħażin għax ma jindikax il-problemi reali u dawn jiġu posposti għall-futur. Dan l-aħħar, il-KESE adotta opinjoni li uriet il-konsegwenzi ta’ approċċ ġdid vis-à-vis il-PDG. (3) Madanakollu jeħtieġ li d-dibattitu jifrex lil hinn mill-indikaturi tal-kejl. Il-preokkupazzjoni prinċipali għandha tkun kif ser jintlaħqu l-prosperità u l-benesseri sostenibbli fis-soċjetà tagħna u kif ser noħolqu ekonomija b’low-input u high-output (jiġifieri ekonomija kkaratterizzata minn konsum ta’ riżorsi moderat u produzzjoni għolja).

6.7.   Jeħtieġ li l-UE tikkomunika maċ-ċittadini tagħha b’mod aktar effettiv, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp sostenibbli.

7.   Ir-responsabbiltà politika u l-bżonn ta’ tmexxija

7.1.   F’sensiela ta’ rapporti dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ tmexxija politika u r-rieda li l-iżvilupp jitmexxa ’l quddiem. Dan ma jfissirx talba għal aktar ċentralizzazzjoni. Pjuttost, jirrifletti r-rieda li tittieħed l-inizjattiva, li jinħolqu netwerks u li tintrefa’ r-responsabbiltà.

7.2.   Il-KESE jtenni l-kumment li għamel f’opinjonijiet preċedenti li ħidma effettiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli teħtieġ responsabbiltà politika – li għandha tintrefa’ b’mod attiv – u l-istess jgħodd għall-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KESE jenfasizza wkoll li l-imsieħba soċjali, u s-soċjetà ċivili fis-sens wiesa’ tal-kelma għandhom jingħataw l-opportunità jieħdu sehem b’mod attiv fl-ippjanar u l-implimentazzjoni.

7.3.   Fid-dawl ta’ dan kollu, huwa importanti nenfasizzaw il-bżonn ta’ kooperazzjoni u ħidma bi sħab bejn iż-żewġ strateġiji ewlenin marbuta mal-iżvilupp, jiġifieri l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli. Il-kwistjoni dwar jekk eventwalment l-istrateġiji jistgħux jingħaqdu flimkien hija inqas importanti; l-importanti huwa li jikkoordinaw mill-qrib. Madanakollu, irid ikun ċar il-fatt li l-miżuri tal-Istrateġija ta’ Lisbona jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE, li hija iktar wiesgħa.

7.4.   Hemm bżonn ta’ struttura ta’ governanza msaħħa sabiex l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE tkun ta’ suċċess. Il-KESE jitlob lill-Kunsill sabiex hekk kif sar għall-Istrateġija ta’ Lisbona, jitwaqqaf ċiklu ta’ governanza simili għall-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE b’sistema ta’ rapporti annwali, benchmarking u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex ikun jista’ jsir tqabbil aħjar bejn l-Istati Membri u tinħoloq kompetizzjoni fid-direzzjoni ta’ livell akbar ta’ sostenibbiltà. Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ iktar riżorsi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-UE kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-Kummissjoni.

8.   Għarfien u attitudnijiet

8.1.   Il-Kummissjoni titkellem fit-tul dwar kwistjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, u tiġbor fil-qosor id-diversi programmi tal-UE f’dan il-qasam. Li ma tagħmilx il-Kummissjoni huwa li tagħmel mistoqsijiet dwar l-edukazzjoni u l-għarfien f’perspettiva demokratika usa’. L-iżvilupp sostenibbli, bħall-politika tal-klima, ser jeħtieġ deċiżjonijiet li mhux dejjem ser jintlaqgħu tajjeb. L-iżvilupp sostenibbli, bħall-politika tal-klima u l-enerġija, għandu bżonn bażi fil-livell lokali.

8.2.   X’jista’ jsir biex jiġi żgurat li l-pubbliku jaġixxi b’dan il-mod? F’dan ir-rigward, l-edukazzjoni hija fattur ewlieni – iżda tip ta’ edukazzjoni li tixbah, pereżempju, liċ-ċentri għall-edukazzjoni tal-adulti (“folkhögskolorna” – folk high schools) fil-pajjiżi Nordiċi, fejn id-dimensjoni demokratika hija fil-quċċata tat-tagħlim. Minn perspettiva soċjali, l-edukazzjoni tagħmel ukoll kontribut b’saħħtu għall-ħolqien ta’ strutturi demokratiċi. Dawn it-tipi ta’ skejjel fil-pajjiżi Nordiċi jaqdu rwol fundamentali fir-reklutaġġ ta’ persunal għat-tipi kollha tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

8.3.   Dan ma jfissirx li r-rwol li jaqdu l-iskejjel u t-tagħlim għaż-żgħażagħ huwa anqas importanti. L-edukazzjoni kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti għandha tissaħħaħ, u għandhom jinstabu metodi pedagoġiċi ġodda.

8.4.   Il-KESE jirrakkomanda li l-aspett edukattiv tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli jingħata definizzjoni usa’.

9.   Ir-riċerka u l-iżvilupp fit-tul

9.1.   Sa mill-bidu nett, id-deċiżjonijiet dwar l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli enfasizzaw l-importanza tar-riċerka. Ittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet speċifiċi dwar l-iżvilupp fuq perijodu ta’ żmien twil fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ tar-riċerkaturi. Waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti hija dik meħuda f’Barċellona, li stabbilixxiet li l-Istati Membri għandhom jimmiraw li l-infiq tagħhom fir-riċerka jkun ekwivalenti għat-3 % tal-PDG nazzjonali fil-futur qrib, jiġifieri sal-2010.

9.2.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri kollha jiżguraw li jilħqu l-mira stabbilita f’Barċellona, u dan ifisser żieda konsiderevoli fil-fondi għar-riċerka.

9.3.   Il-politika tar-riċerka u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jiġu kkoordinati b’mod aktar espliċitu sabiex tinkiseb sinerġija bejn l-iżvilupp sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona.

9.4.   Il-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri tar-riċerka dwar il-kwistjonijiet klimatiċi hija żviluppata sewwa. Iżda, jista’ jkun diffiċli għall-qasam tar-riċerka fuq perijodu ta’ żmien twil li jikkompeti għall-fondi. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħmel studju fil-qafas tal-programm tar-riċerka tal-UE biex tidentifika l-ħtiġijiet attwali marbuta mar-riċerka dwar it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet tal-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli.

10.   Insaħħu l-istrutturi tat-tħejjija

10.1.   F’kuntesti differenti, il-KESE enfasizza l-bżonn ta’ tmexxija politika fit-tħejjija tal-miżuri marbuta mal-iżvilupp sostenibbli jew il-politika tal-klima u l-enerġija. F’għadd ta’ okkażjonijiet, il-KESE kkwota l-ex-Prim Ministru Franċiż, Michel Rocard, li f’waħda mill-konferenzi ewlenin tal-KESE qal li l-iżvilupp sostenibbli indubbjament iwassal għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li mhux dejjem ikunu faċli jew popolari. Il-Prim Ministru tal-Lussemburgu indirizza l-istess suġġett ftit tas-snin ilu meta qal li: “il-Kunsill tal-Ministri jaf eżattament il-miżuri li hemm bżonn jittieħdu. Il-problema hija li ma nafux kif ser nerġgħu niġu eletti fil-parlamenti nazzjonali tagħna wara l-implimentazzjoni”.

10.2.   Is-soluzzjoni hija żvilupp bikri u sistematiku ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni u djalogu. Fuq kollox, dan irid isir fuq il-bażi ta’ minn isfel għal fuq (bottom-up). Il-parteċipazzjoni hija element ewlieni iżda jeħtieġ li tkun ikkomplementata mis-solidarjetà.

10.3.   F’diversi okkażjonijiet, il-KESE enfasizza l-bżonn ta’ struttura ta’ kooperazzjoni aktar effettiva fi ħdan il-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, dan jista’ jfisser li jkun hemm kummissarju speċjali – bl-istatus ta’ viċi president – biex jippromovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji attwali ewlenin: il-kwistjonijiet marbuta mas-sostenibbiltà, il-klima u l-enerġija, u l-Istrateġija ta’ Lisbona.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 400 finali.

(2)  Ara pereżempju ĠU C 195, 18.8.2006, p. 29 u ĠU C 256, 27.10.2007, p. 76.

(3)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 53.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Ekonomija Ekoeffikaċi – Nittrasformaw il-kriżi ekonomika f’opportunità għal triq ġdida fil-qasam tal-enerġija”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/05)

Relatur: Is-Sur OSBORN

Nhar it-3 ta’Ġunju 2009, il-Presidenza Svediża futura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar:

Lejn Ekonomija Ekoeffikaċi – Nittrasformaw il-kriżi ekonomika f’opportunità għal triq ġdida fil-qasam tal-enerġija.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-akbar ekonomiji żviluppati tad-dinja għarfu l-bżonn li tal-anqas jilħqu l-mira ta’ 80 % tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, bħala parti mill-azzjoni globali meħtieġa sabiex ir-riskji li rriżultaw mit-tibdil fil-klima jinżammu fil-limiti li jistgħu jiġu ġestiti. Jeħtieġ li minn issa jkun hemm trasformazzjonijiet kbar tal-bażi tal-enerġija tal-ekonomiji avvanzati.

1.2.   L-UE bdiet taħdem fuq dan il-proċess permezz tal-programm sostanzjali dwar il-klima u l-enerġija, maqbul bejn il-Kunsill u l-Parlament din is-sena, sabiex l-emissjonijiet jonqsu b’20–30 % sas-sena 2020. Madankollu, dan il-programm għad irid jiġi implimentat. u dalwaqt ser tkun meħtieġa aktar azzjoni fir-rigward tal-miri għas-sena 2050.

1.3.   Il-kriżi ekonomika attwali tirrappreżenta kemm theddida kif ukoll opportunità. It-theddida hija li sabiex tlaħħaq mal-problemi ekonomiċi kontinwi, ser tirrekjedi l-attenzjoni politika kollha disponibbli kif ukoll ir-riżorsi kollha disponibbli, u l-enfasi tal-miżuri ser tkun li kollox jerga’ lura kif kien qabel, flimkien mal-istess forma ta’ żieda fl-emissjonijiet. L-opportunità hija li hemm raġuni sinifikanti sabiex jitkisser iċ-ċirku u tkun adottata strateġija ekoeffikaċi li tkun vantaġġjuża għal kulħadd u li tgħin fir-rilanċ tal-ekonomija, ittejjeb il-kompetittività tagħha u toħloq impjiegi ġodda, fl-istess ħin li tkun qed tbiddel il-bażi tal-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet b’mod sostanzjali.

1.4.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ u jinkoraġġixxi l-azzjonijiet kollha li għaddejjin bħalissa, jew dawk ippjanati fl-Ewropa, sabiex jippromovu l-ekoeffiċjenza, fosthom aktar passi sabiex:

tkun imsaħħa l-azzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika fi Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Effiċjenza Enerġetika,

tissaħħaħ l-azzjoni dwar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli,

il-ħtiġijiet tal-ekoeffiċjenza għandhom jiffurmaw parti mill-programmi kollha tal-infiq pubbliku,

tingħata promozzjoni u tkun inkoraġġita riforma fiskali favur l-ambjent,

ikunu inkoraġġiti politiki tal-akkwist favur l-ambjent fil-korpi pubbliċi kollha.

1.5.   Sabiex jiġu mobilizzati l-azzjonijiet u s-sostenn fuq skala akbar, kif ukoll sabiex l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett tal-kompetittività fid-dinja, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet għandhom jiffukaw ukoll fuq sforzi ġodda marbuta ma’ numru limitat ta’ sfidi speċifiċi ta’ trasformazzjoni. B’mod partikulari, il-Kumitat jislet tliet trasformazzjonijiet li jista’ jkollhom il-kapaċità li jattiraw l-interess tal-pubbliku u l-appoġġ bħala inizjattivi u programmi prinċipali Ewropej:

lejn enerġija solari u sorsi rinnovabbli oħra,

lejn karozza li taħdem għal kollox bl-elettriku

lejn bini li ma jemettix karbonju,

Naturalment, l-użu mifrux tal-karozza li taħdem għal kollox bl-elettriku irid ikun sostnut minn proporzjon akbar ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku minn sorsi li huma stess ma jipproduċux emissjonijiet netti tal-karbonju. Dan sabiex ikun evitat li sempliċiment ikun hemm spustament tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-karozza għall-impjant tal-enerġija.

1.6.   Il-KESE jissuġġerixxi li jinbnew sħubijiet b’saħħithom bejn is-settur privat u dak pubbliku sabiex jagħtu sura u jiggwidaw dawn it-trasformazzjonijiet, kif ukoll sabiex jinkiseb l-aktar appoġġ wiesa’ possibbli mingħand in-negozji, l-istituzzjonijiet l-oħra rilevanti u l-pubbliku. Jipproponi wkoll l-introduzzjoni ta’ forma ġdida ta’ bond “ekoloġiku” denominat bl-Euro sabiex jipprovdi finanzjament addizzjonali li jappoġġja xi wħud minn dawn it-tibdiliet.

1.7.   Il-KESE jħeġġeġ li fil-qalba tal-istrateġija ġdida ta’ Lisbona jkun hemm inizjattiva ekoeffikaċji ġdida fuq il-linji indikati f’din l-opinjoni. Dan sabiex tiggwida l-progress lejn futur aktar sostenibbli.

2.   Sfond

2.1.   Ir-raġunijiet ġenerali li wasslu sabiex nersqu b’pass mgħaġġel lejn ekonomija ekoeffikaċji huma magħrufin biżżejjed. It-tibdil fil-klima kkawżat mill-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra diġà qed joħloq problemi serji f’ħafna partijiet fid-dinja, u huwa kważi żgur li dawn il-problemi ser jaggravaw fis-snin li ġejjin.

2.2.   Fl-istess ħin li t-tibdil fil-klima qed isir aktar gravi, qed isir aktar serju r-riskju tal-prospett tat-tnaqqis tar-riżorsi dinjija taż-żejt u l-gass li ser iwasslu sabiex fil-futur ikun hemm skarsezza fil-provvista, kif ukoll ir-riskju serju ta’ prezzijiet ogħla u aktar instabbli. Reġjuni bħall-Ewropa li jiddependu fuq l-importazzjoni għall-ħafna mill-ħtiġijiet tal-provvisti tagħhom, jeħtieġ li jnaqqsu l-vulnerabbilità tagħhom u jżidu s-sigurtà tagħhom billi jnaqqsu d-domanda tagħhom tal-enerġija kif ukoll billi jakkwistaw l-enerġija tagħhom minn sorsi indiġeni ta’ enerġija rinnovabbli.

2.3.   Flimkien, dawn iż-żewġ sfidi ewlenin fuq medda twila ta’ żmien, ifissru li l-parti l-kbira tad-dinja jeħtieġ tikseb tnaqqis kbir ħafna fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll bidla radikali lejn l-ekoeffiċjenza. Il-mexxejja tal-G8 aċċettaw fil-prinċipju li l-ekonomiji avvanzati jeħtieġ li jiksbu tnaqqis ta’ 80 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050. Xi wħud mit-tibdiliet fil-bażi tal-enerġija tal-ekonomija sabiex tintlaħaq din diġà bdew, iżda l-pass tal-bidla jeħtieġ li jiżdied b’mod sostanzjali jekk trid tintlaħaq din il-mira.

2.4.   Ħafna minn dak li jrid isir huwa diġà magħruf u jistà jintlaħaq permezz ta’ teknoloġiji ppruvati. Il-World Energy Outlook 2008 tal-AIE (WEO 2008) jikkalkula li aktar minn 50 % tal-miżuri ta’ prevenzjoni sabiex nersqu lejn 450 parti fil-miljun ta’ konċentrazzjoni ta’ CO2 fl-2030, jistgħu jintlaħqu permezz tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji attwali b’użu effiċjenti tal-enerġija. Hemm miżuri ta’ nfiq effettiv lesti sabiex jiġu implimentati kemm fuq in-naħa tad-domanda (bini, industriji, trasport) kif ukoll fuq in-naħa tal-provvista (pereżempju, il-koġenereazzjoni tal-elettriku u l-proċess jew it-tisħin distrettwali). Iżda tinħtieġ aktar azzjoni li tgħin lill-atturi tas-swieq sabiex jimplimentawhom b’pass aktar mgħaġġel.

2.5.   Aktar minn hekk, jeħtieġ li t-teknoloġiji ġodda b’użu effiċjenti tal-enerġija kif ukoll f’teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju, li diġà jeżistu, ikunu lesti sabiex jitqassmu fis-swieq ġenerali fid-deċennji li ġejjin sabiex jintlaħaq it-tnaqqis ulterjuri li ser ikun meħtieġ. L-analiżi tal-AIE Energy Technology Perspective 2008 (ETP 2008) tenfasizza azzjoni bikrija sabiex tkun mobilizzata r-R & Ż tal-privat kif ukoll jitrawwem tagħlim tul il-katina kollha, mill-fornitur tat-teknoloġija sal-operatur tat-teknoloġija u l-utent sabiex inwasslu t-teknoloġiji l-ġodda eqreb lejn il-kurva tat-tagħlim, billi nbiddluhom minn dawk li jippromettu iżda għoljin wisq, għal dawk kosteffettivi ta’ min joqgħod fuqhom u kosteffiċjenti għall-produzzjoni ġenerali. Neħtieġu teknoloġiji ġodda kemm sabiex intejbu l-effiċjenza enerġetika (pereżempju, bini mingħajr emissjonijiet, dwal, proċessi industrijali) kif ukoll sabiex innaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-provvista tal-enerġija (pereżempju l-elettriku mix-xemx, il-qbid u ħżin tad-dijossidu tal-karbonju, il-karburanti mhux fossili tat-trasport).

2.6.   Dawn it-tibdiliet kollha jistgħu jintlaħqu. Iżda l-pass tal-bidla jeħtieġ li jkun miżjud b’mod drastiku. L-Ewropa u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-ekonomiji prinċipali l-oħra kollha jeħtieġ li jagħmlu sforz akbar milli għamlu s’issa sabiex jiżviluppaw strateġiji innovattivi u jiskjeraw programmi kbar ta’ trasformazzjoni fis-setturi prinċipali involuti.

2.7.   Il-programmi tal-iskjerament huma kruċjali. B’mod partikulari, il-programmi tal-iskjerament jistgħu jipprovdu l-inċentivi li jwasslu sabiex jissarraf il-potenzjal tal-miżuri disponibbli favur l-effiċjenza enerġetika jew sabiex iżidu l-adozzjoni meħtieġa mis-suq li tistimula r-R & Ż tal-privat u li tpoġġi teknoloġija ġdida fuq il-kurva tat-tagħlim. Huma għandhom l-akbar potenzjal sabiex jipprovdu dividend doppju – li joħolqu l-impjiegi u jgħinu fit-trasformazzjoni lejn sistemi ta’ enerġija ekoeffikaċji llum, filwaqt li fl-istess ħin jinvestu fit-tagħlim sabiex għada jkun hemm teknoloġii aktar effiċjenti u orħos. Ix-xogħol huwa li jkunu mfassla programmi ta’ skjerament li jixprunaw il-kompetizzjoni u jistimulaw l-investiment fir-R & Ż tal-industriji privati kif ukoll sabiex irawmu t-tagħlim tul il-katina bejn il-produttur u l-utent.

2.8.   Diġà hemm diversi eżempji ta’ sforzi Ewropej li kellhom suċċess fit-titjib tal-effiċjenza u li jwasslu lejn is-suq teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju. L-Iskema ta’ tikkettjar tal-enerġija tal-UE wasslet sabiex is-suq tat-tagħmir ta’ refriġirazzjoni jikseb effiċjenza enerġetika li hija sostanzjalment ogħla. Programmi nazzjonali, fir-rigward tal-modifikazzjoni ta’ bini eżistenti, żiedu l-effiċjenza tat-tisħin. Programmi nazzjonali ta’ skjerament għall-enerġija tar-riħ żiedu b’mod sostanzjali l-iskjerament ta’ din it-teknoloġija kif ukoll naqqsu l-ispejjeż – u ħolqu industriji ta’ biljuni ta’ euro fil-pajjiżi li għandhom dawn il-programmi.

2.9.   Madankollu jibqgħu kbar ħafna l-ħtiġijiet tal-futur fir-rigward tal-effiċjenza u teknoloġiji ġodda b’użu baxx tal-karbonju. Hemm il-ħtieġa li niġbru u nittrasferixxu l-lezzjonijiet li tgħallimna minn dawn l-isforzi, u nużawhom sabiex ikun hemm sforz kollettiv ġdid u jinġibed ħabel wieħed sabiex invaraw u niskjeraw il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ teknoloġiji ta’ karbonju baxx madwar l-Unjoni kollha kemm jista’ jkun malajr.

2.10.   Xi wħud mit-tibdiliet meħtieġa jaf ikollhom bżonn ta’ tibdiliet fundamentali fl-approċċ, u dawn jeħtieġu attenzjoni partikulari. Jidher li tliet eżempji joffru opportunitajiet partikulari li jistgħu jintlaqgħu tajjeb mill-pubbliku Ewropew u jista’ jingħaġġel it-titjib għall-bdil fl-ekoeffiċjenza:

fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-pass lejn ir-rinnovabbli għad irid jiżdied. L-enerġija solari għadha għolja ħafna u marġinali, iżda l-ispejjeż neżlin b’mod progressiv u issa hija meħtieġa mbuttatura oħra kbira li timbuttaha ’l quddiem b’mod aktar estensiv kemm f’dak li huma applikazzjonijiet lokali fuq skala żgħira kif ukoll matriċi fuq skala akbar. Issa, sa fl-aħħar, l-enerġija mir-riħ qed tiġi skjerata fuq skala pjuttost wiesgħa, iżda jeħtieġ li l-ispejjeż jitnaqqsu aktar. Il-Pompi ġeotermali tas-sħana diġà qed juru riżultati tajbin ħafna u għandhom jiġu żviluppati malajr sal-punt fejn ikunu jistgħu jsiru rekwiżit standard fl-abitazzjonijiet ġodda u binjiet oħra. Il-grid u l-appoġġ infrastrutturali u s-sistemi ta’ ħażna tal-enerġija jeħtieġ li jkunu maħsuba mill-ġdid u rikonfigurati sabiex isostnu aktar dipendenza fuq ir-rinnovabbli, bl-użu ta’ disinn intelliġenti u prinċipji ta’ ġestjoni;

karozza li ma temettix karbonju. Hemm limiti fiżiċi fundamentali sa fejn il-prestazzjoni tal-magni tal-karozzi b’kombustjoni interna, fir-rigward tal-użu tal-karbonju, tista’ titjieb. F’ċertu punt ser ikun hemm spustament ta’ trasformazzjoni lejn il-karozza li taħdem għall-kollox bl-elettriku jew biċ-ċellola tal-fjuwil li tkun iċċarġjata mill-ġdid jew bil-karburant minn sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra. Il-Kumitat jemmen li issa huwa ż-żmien li nistabbilixxu miri ċari u skedi ta’ żmien għal dak l-ispustament, kif ukoll sabiex ikun hemm f’postha l-infrastruttura meħtieġa u l-arranġamenti tas-sostenn;

fil-qasam tal-kostruzzjoni, il-bini mingħajr emissjonijiet qed jibda jsir realtà. Issa huwa meħtieġ sforz kbir sabiex dan il-kunċett ikun trasformat minn ftit prototipi interessanti, lejn skjerament fuq skala kbira f’abitazzjonijiet ġodda u eżistenti, kif ukoll binjiet oħra. Għal dan il-għan, għandhom jinbnew djar mudell b’effiċjenza enerġetika fir-reġjuni kollha tal-UE, u d-disinn tagħhom għandu jagħti każ tal-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi tar-reġjun. Dawn il-binjiet iservu ta’ eżempju.

2.11.   Azzjonijiet simili jaf ikunu meħtieġa sabiex jippromovu aktar l-iżvilupp u l-iskjerament tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju, kif ukoll sabiex jestendu l-kapaċità tat-teknoloġija tal-informazzjoni u s-sistemi intelliġenti sabiex jikkontribwixxu lejn ekoeffiċjenza akbar.

3.   Ir-rwol tal-gvernijiet u tal-UE

3.1.   L-UE għandha rwol importanti ħafna minħabba l-iskala u d-diversità wiesgħa ta’ xi wħud mill-azzjonijiet meħtieġa. It-trasformazzjoni fuq l-iskala u bir-rata meħtieġa tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ sforz kollettiv li jġib flimkien bħala sħab lis-setturi privati u pubbliċi madwar l-Ewropa, u saħansitra f’xi każijiet, madwar id-dinja. L-UE diġà nediet numru ta’ programmi u pakketti sabiex tippromovi l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Iżda jeħtieġ li dawn l-isforzi jkunu msaħħa u mgħaġġla. Il-paragrafi li jsegwu jevalwaw xi wħud mill-oqsma prinċipali fejn huma meħtieġa interventi Ewropej ġodda.

3.2.   Ir-riċerka u l-iżvilupp. Ir-R & Ż fl-Ewropa staġnat f’madwar 1.84 % tal-PGD għal numru ta’ snin, ferm anqas mill-mira miftehma ta’ 3 %. Huwa meħtieġ sforz kbir sabiex din tiżdied lejn il-mira ta’ 3 % kif ukoll sabiex ikun iddedikat aktar mill-programm lejn is-sostenn tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Xi wħud mit-teknoloġiji l-ġodda l-aktar radikali fl-użu tat-teknoloġiji b’użu bazz tal-karbonju huma fost dawk li jeħtieġu finanzjament pubbliku għar-R & Ż, pereżempju, il-qbid u ħżin tad-dijossidu tal-karbonju, il-fotovoltajki tax-xemx b’film irqiq, ir-riħ off-shore u l-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni.

3.3.   Il-programmi tal-iskjerament għandhom jiġu mfassla sabiex jisfruttaw in-niche markets għat-teknoloġiji l-ġodda kif ukoll sabiex jistimulaw l-investimenti fit-tagħlim mill-atturi tas-suq. Għandhom jiġu sfruttati s-sinerġiji mal-politiki tat-tassazzjoni u l-industrija. L-UE għandha tiffoka b’mod partikulari fuq l-akbar trasformazzjonijiet meħtieġa, bħalma huwa l-pass lejn il-vettura li taħdem bl-elettriku jew l-abitazzjoni li ma jemettux karbonju u li ser jeħtieġu żvilupp teknoloġiku wiesgħa, investiment kbir ħafna, sostenn infrastrutturali estensiv kif ukoll mobilizzazzjoni wiesgħa tal-pubbliku, tal-interess tal-konsumatur, appoġġ, u inċentivi. L-esperjenza tal-pjattaformi tat-teknoloġija tal-enerġija jeħtieġ li tkun żviluppata fi programmi ta’ skjerament proattivi għat-trasformazzjonijiet prinċipali meħtieġa.

3.4.   Iffissar ta’ standards. Standards regolatorji dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ effiċjenza enerġetika għall-prodotti u s-servizzi għandhom rwol kruċjali x’jaqdu sabiex iġibu ’l quddiem il-progress. L-UE diġà stabbilixxiet standards minimi tal-effiċjenza enerġetika għal xi prodotti prinċipali, bi skedi ta’ żmien stabbiliti għal aktar titjib sabiex ikunu awtorizzati fil-futur. Iżda jeħtieġ li dawn il-programmi jsiru aktar komprensivi u li jistabbilixxu sensiela ta’ miri aktar ambizzjużi fuq medda qasira u twila ta’ żmien.

3.5.   Bla dubju, hemm limitazzjonijiet prattiċi fl-iżvilupp li jeħtieġ li jkunu rispettati. Iżda huwa essenzjali wkoll li tinżamm il-pressjoni fuq l-industrija Ewropea sabiex tkun minn ta’ quddiem fid-dinja fir-rigward tal-istandards tal-effiċjenza u li jkunu jistgħu jzommu pożizzjoni kompetittiva b’saħħitha hekk kif is-suq dinji jersaq lejn ekoeffiċjenza akbar.

3.6.   Akkwisti pubbliċi. Il-programmi tal-akkwisti pubbliċi jistgħu jkunu strumenti b’saħħithom immens sabiex imexxu ’l quddiem it-titjib tal-istandards fis-setturi prinċipali tal-industrija jekk il-kundizzjonijiet adatti jkunu jiffurmaw parti mill-ispeċifikazzjonijiet u d-dokumenti tal-kuntratt. Nemmnu li l-UE għandha tkompli tiggwida billi tawtorizza standards aktar iebsa ta’ effiċjenza enerġetika sabiex dawn ikunu rekwiżiti standard fix-xiri ta’ oġġetti, servizzi u binjiet fis-settur pubbliku. Il-kriterji tal-ekoeffiċjenza għandhom ikunu parti mill-proċessi kollha tal-valutazzjoni tal-proġetti.

3.7.   Xi wħud mill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Ewropa jinsabu fuq quddiem nett sabiex jagħmlu l-isforz għall-ekoeffiċjenza fl-attivitajiet kollha tagħhom. Iżda ħafna mhumiex. Jista’ jkun hemm skop ta’ inizjattiva Ewropea b’żewġ għanijiet, fuq naħa sabiex tkun enfasizzata l-aħjar prattika u tinċentiva oħrajn sabiex isegwu; u fuq in-naħa l-oħra li tippromovi s-sistematizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-istandards tal-ekoeffiċjenza kif rikjest minn dawn il-korpi.

3.8.   Inċentivi għas-settur privat. L-iffissar ta’ prezz ġust fuq l-emissjonijiet tal-karbonju huwa kruċjali hawnhekk, u l-Kumitat iħares lejn il-Kummissjoni sabiex tkompli tiżviluppa l-iskema ta’ skambju tal-karbonju għas-setturi adatti kif ukoll tinkoraġġixxi aktar espansjoni ta’ tassazzjoni marbuta mal-karbonju f’oqsma oħra. Għandhom jippromovu aktar azzjoni fir-rigward ta’ inċentivi aktar speċifiċi, bħall-użu ta’ tariffi feed-in sabiex jistimulaw l-investiment fir-rinnovabbli. F’xi każijiet ukoll, is-settur pubbliku jaf ikollu bżonn jaħdem mas-settur privat sabiex jiżviluppa sostenn infrastrutturali adatt għal teknoloġiji ġodda kruċjali, pereżempju is-sostenn għal forom deċentralizzati ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija kif ukoll grid intelliġenti.

3.9.   L-imġiba tal-konsumatur. Għad hemm nuqqas ta’ għarfien mill-konsumatur jew kilba tal-konsumatur għal aktar effiċjenza, kemm f’dak li jixtru kif ukoll fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-mod kif jgħixu. Fuq in-naħa l-oħra għad hemm ukoll ftit għarfien fost ir-regolaturi dwar dak li jqanqal l-imġiba tal-konsumaturi u kif l-aħjar tkun promossa d-domanda għall-oġġetti u s-servizzi ekoeffikaċji. Is-sostenn għall-edukazzjoni, it-tkabbir tal-għarfien u l-azzjonijiet komunali jeħtieġ li jkunu estizi. It-tikkettjar tal-oġġetti u l-prodotti sabiex juru l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-enerġija jeħtieġ li jkun estiz u mtejjeb.

3.10.   L-iżvilupp professjonali u t-taħriġ. Jinħtieġ sforz akbar ħafna li jwassal għal fehim aħjar tal-bżonn u r-raġuni għall-produzzjoni effiċjenti tal-enerġija u s-sostennibilità fl-edukazzjoni professjonali u teknika, u l-edukazzjoni mill-ġdid.

4.   Opportunitajiet u theddidiet fil-kriżi ekonomika attwali

4.1.   Hemm ir-riskju li d-diffikultajiet ekonomiċi attwali fid-dinja jaf jagħmluha aktar diffiċli biex ikun hemm progress mgħaġġel lejn l-ekoeffiċjenza. Il-fondi għall-investimenti l-ġodda, kemm fil-pubbliku jew fis-settur privat, huma skarsi u hemm it-tendenza li jintużaw għall-prijoritajiet fuq perijodu qasir.

4.2.   Madankollu hekk kif il-kriżi tiżviluppa aktar, jaf ikun hemm opportunitajiet ġodda li jmexxu lill-ekonomija Ewropea (kif ukoll ekonomiji kbar oħra) lejn direzzjoni aktar sostenibbli. Huwa kruċjali għall-Ewropa li taħtaf dawn l-isfidi u tirrispondi għalihom b’mod pożittiv jekk trid li timxi ’l quddiem fil-kompetizzjoni globali għall-ekoeffiċjenza u s-sostenibbilità li għandha quddiema.

Xi oqsma parikulari li jaqgħu fil-konfini tal-finanzi, l-ekonomija u d-dipartimenti tal-industrija jixraqilhom ħarsa aktar mill-qrib fis-sitwazzjoni ekonomika attwali:

4.3.1.   PGD iktar ekoloġiku. Il-kriżi ekonomika wasslet mill-ġdid għal interess fl-inadegwatezza tal-PGD bħala kejl tal-progress ġenerali, u l-ħtieġa ta’ kunċett aktar wiesgħa tal-għajnuna soċjali li għandu jkun preferut u li jista’ jagħti kas tal-fatturi soċjali u ambjentali flimkien mar-riżultati tal-ekonomija monetarja. Il-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam jeħtieġ li tkun segwita wara r-rapport Stiglitz li sar għall-gvern Franċiz reċentement.

4.3.2.   Infiq pubbliku favur l-ambjent. Diversi gvernijiet u l-Kummissjoni ħolqu pakketti ta’ nfiq pubbliku sostanzjali sabiex iservi ta’ stimulu għall-ekonomiji tagħhom kif ukoll sabiex iżommu milli s-sitwazzjoni tiddeġenera f’dipressjoni. Il-pjan għar-rilanċ ekonomiku Ewropew promoss mill-Kummissjoni kien eżempju tajjeb kif iżżewweġ l-istimulu ekonomiku mal-promozzjoni lejn ekonomija li hija aktar favur l-ambjent, iżda b’mod inevitabbli, kien limitat mill-ammont żgħir ta’ finanzi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu. Iż-żmien għal aktar pakketti ta’ stimolu jaf għadda s’issa, iżda l-programmi kollha pubbliċi tal-infiq għad iridu jiġu valutati mill-ġdid mil-lat tal-ekoeffiċjenza sabiex ikunu żgurati l-benefiċċji doppji. Valutazzjonijiet sistematiċi tas-sostennibilità fir-rigward tal-programmi tal-infiq pubbliku għandhom isiru parti mill-proċedura tal-proċess baġitarju tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

4.3.3.   Tnaqqis favur l-ambjent fl-infiq pubbliku. Il-programmi kollha pubbliċi ser ikunu taħt il-lenti fis-snin li ġejjin hekk kif l-awtoritajiet pubbliċi jfittxu li jagħmlu tfaddil minn fuq l-infiq tagħhom sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom. Fl-eżaminazzjoni ta’ oqsma fejn jista’ jkun hemm tnaqqis, l-attenzjoni għandha tiffoka fuq programmi ta’ infiq li għandhom konsum kbir ta’ enerġija jew li jaħdmu kontra l-ekoeffiċjenza. Is-sussidji perversi li jsostnu l-produzzjoni jew il-konsum tal-karburanti fossili (pereżempju is-sussidji għall-produzzjoni tal-faħam jew il-prezzijiet issussidjati tal-karburanti għall-gruppi partikulari) u għalhekk jiżguraw nuqqas ta’ benefiċċju doppju (il-qlugħ il-barra ta’ investiment pubbliku aktar utli kif ukoll ix-xaqlib tal-opportunitajiet proprji kontra dawk it-teknoloġiji rinnovabbli eċċ. li suppost qegħdin nippromovu) għandhom ikunu analizzati bir-reqqa f’dan il-kuntest. Il-Komunikazzjoni tant mistennija tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tas-sussidji tista’ tgħin sabiex l-azzjoni Ewropea timxi ’l quddiem dwar dan.

4.3.4.   Bilanċjar fiskali mill-ġdid iktar ekoloġiku. L-iżbilanċi fiskali kurrenti f’ħafna pajjiżi Ewropej x’aktarx ikunu jeħtieġu aġġustamenti fil-livell u l-bilanċ tat-tassazzjoni. F’dawn it-tibdiliet, id-dimensjoni ekoloġika għandha tibqa’ fiċ-ċentru. B’mod partikulari fil-klima attwali, tassazzjoni ogħla fuq (karburanti fossili) l-enerġija għandha tkun preferuta aktar minn tassazzjoni fuq ix-xoghol, sakemm ikun hemm is-salvagwardji neċessarji li jipproteġu l-pożizzjoni tal-ifqar u l-aktar vulnerabbli. Il-Kummissjoni jaf tniedi studju ġdid mal-Istati Membri sabiex tinkoraġġixxi azzjoni kkoordinata li tindirizza l-istrateġiji fiskali f’din id-direzzjoni.

4.3.5.   Appoġġ u ristrutturar industrijali. iktar ekoloġiċi Il-kriżi ekonomika attwali diġà wasslet għal xi interventi sinifikanti tal-gvern sabiex isostnu jew jirristrutturaw industriji prinċipali. F’dawn l-interventi, il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għandha dejjem tkun il-mira prinċipali. Xi wħud mill-isfidi speċifiċi tat-trasformazzjoni li ġew innutati f’din l-opinjoni (il-vettura li taħdem bl-elettriku, l-abitazzjoni mingħajr emissjonijiet u l-enerġija solari) jaf ikollhom bżonn intervent jew sostenn sabiex ikunu jistgħu isiru parti mill-qalba tal-ekonomija l-ġdida li madwarha jinħolqu l-investimenti ġodda, in-negozji ġodda u l-impjiegi ġodda.

4.3.6.   Strateġija ġdida tal-innovazzjoni. Naraw il-possibilità ta’ rwol ġdid għall-UE li jgħin sabiex jitwieldu “mexxejja” Ewropej ta’ livell dinji fis-setturi prinċipali tat-teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju, fil-kuntest ta’ strateġija ġdida tal-innovazzjoni għall-Ewropa. B’mod partikulari l-KESE jissuġġerixxi li task forces li jinkludu setturi mis-settur pubbliku u privat jaf ikunu stabbiliti sabiex ikun hemm progress fil-livell tal-UE dwar il-karozza li taħdem bl-elettriku, l-abitazzjoni mingħajr emissjonijiet u l-enerġija solari. F’kull waħda minn dawn il-każijiet, ikun hemm bżonn li l-azzjonijiet ikomplu jiżviluppaw fuq il-ħidma tar-R & Ż tal-pjattaformi tat-teknoloġiji tal-enerġija, kif ukoll li tieħu aktar azzjoni fil-qasam tal-implimentazzjoni fuq skala kbira u tal-iskjerament.

4.3.7.   F’kull każ, it-task forces għandhom ifittxu li jidentifikaw it-toroq għall-bidla, kif ukoll ir-rwoli differenti li jeħtieġ li jaqdu s-settur pubbliku u dak privat tar-R & Ż u l-investiment. Għandhom jesploraw x’sostenn infrastrutturali jaf ikun meħtieġ (pereżempju netwerk ta’ postijiet minn fejn wieħed jiċċarġja, li jsostni l-introduzzjoni tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fuq skala wiesgħa, jew programm ta’ sostenn muniċipali għal dawk li għandhom dar sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika f’darhom). Jaf jesploraw ukoll kif trasformazzjonijiet bħal dawn jistgħu ikunu disponibbli għad-dinja li qed tiżviluppa (pereżempju l-enerġija solari għall-Afrika) sabiex huma wkoll ikunu megħjuna jagħmlu l-parti tagħhom fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’użu baxx tal-karbonju.

4.3.8.   Forom ġodda ta’ finanzjament – Eurobond ekoloġiku? Fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali, fis-snin li ġejjin jaf ikun hemm restrizzjonijiet severi fuq l-infiq pubbliku (u possibbilment fuq il-livell tal-investiment privat) madwar l-UE. Il-Kumitat jissuġġerixxi li huma meħtieġa forom innovattivi ta’ finanzjament li jagħtu s-sostenn lill-investiment meħtieġ sabiex ikunu varati teknoloġiji ġodda ekoeffikaċji. Nissuġġerixxu li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ħolqien ta’ Eurobond ekoloġiku. Dan jista’ jkun kummerċjalizzat li joffri gwadann modest iżda sikur, filwaqt li jipprovdi finanzi għall-iżvilupp u l-iskjerament għal xi wħud mit-teknoloġiji l-ġodda bħall-karozza li ma temettix karbonju u abitazzjonijiet li ma jemettux karbonju. B’dan il-mod tkun qed tiġi sfruttata x-xewqa wiesgħa li tgħaqqad forma sikura ta’ tifdil ma’ kontribuzzjoni lejn futur aħjar.

5.   Impetu ġdid fil-livell Ewropew

5.1.   L-UE diġà għamlet bidu tajjeb billi nediet l-ewwel passi lejn ekonomija aktar ekoeffikaċji permezz tal-miri li stabbilixxiet għaliha stess, kif ukoll il-miżuri li implimentat. Madankollu huwa ċar li dan jista’ jkun meqjus biss bħala l-bidu. Il-problemi kontinwi fl-ekonomija dinjija jindikaw il-ħtieġa kontinwa ta’ ġestjoni attiva li żżomm milli mmorru lura għall-ineffiċjenzi u metodi ta’ tkabbir li jagħmlu l-ħsara u żvilupp tal-passat. Il-miġja ta’ Parlament ġdid u Kummissjoni ġdida jagħtu opportunità tajba sabiex l-UE żżid ir-ritmu u tagħti impetu ġdid lill-ekoeffiċjenza u l-iżvilupp sostenibbli fl-Ewropa.

5.2.   Fuq medda qasira ta’ żmien, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Presidenza Svediża u dawk sussegwenti, sabiex jaħtfu l-opportunitajiet permezz ta’:

reviżjoni u tiġdid tal-istrateġiji ta’ Lisbona u tal-iżvilupp sostenibbli,

tingħata sura lill-perspettivi finanzjarji ġodda,

l-immudellar mill-ġdid tad-Direttiva 2002/91/KE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (EPBD),

tkun segwita l-komunikazzjoni mill-Kumissjoni dwar “Nissuperaw l-ostakli għall-enerġija rinnovabbli fl-UE”,

il-promozzjoni tal-inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar bħala proġett konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment,

it-tħaddin tal-politika ġdida ta’ enerġija għall-Ewropa fl-2010, b’aġenda għall-2030 u viżjoni għall-2050.

5.3.   Il-KESE jagħraf il-potenzjal tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija (NEEAP) u l-Pjan għal Azzjoni Nazzjonali dwar ir-riżorsi rinnovabbli. Hemm il-ħtieġa li jkun hemm tifrix rapidu u rispons lura lill-membri tal-UE, wara l-analiżi tal-ewwel rawnd tal-pjani, u li jkun segwit b’mod qawwi mill-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet.

5.4.   B’ħarstu l-quddiem, il-KESE jara l-bżonn kontinwu li l-promozzjoni tal-ekoeffiċjenza tkun tifforma parti prinċipali u li jkunu żviluppati jew estiżi dawn l-oqsma tal-attivitajiet attwali jew dawk ippjanati Ewropej, li ġew riveduti f’din l-opinjoni:

is-sostenn tar-R & Ż

is-sostenn tal-programmi għall-iżvilupp professjonali fl-inġinerija, il-kostruzzjoni u oqsma oħra prinċipali sabiex jinkludu elementi mandatorji dwar l-ekoeffiċjenza fid-disinn,

l-inklużjoni tal-ħtiġijiet tal-ekoeffiċjenza fl-istandards adatti tal-kontabilità, il-prattika regolatorja u r-regoli tal-valutazzjoni tad-dipartiment tal-finanzi,

il-prijoritizzazzjoni tal-ekoeffiċjenza fil-programmi tal-infiq u l-akkwist Ewropej u tal-Istati Membri kollha,

il-promozzjoni tal-kunċett ambjentali fil-programmi kollha tal-infiq pubbliku fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri bl-użu ta’ valutazzjonijiet sistematiċi tas-sostennibilità bħala strument prinċipali,

it-twaqqif ta’ forom ġodda ta’ finanzjament għall-programmi prinċipali ta’ trasformazzjoni,

il-promozzjoni ta’ riforma fiskali ekoeffikaċji.

l-eliminazzjoni tas-sussidji li jagħmlu l-ħsara.

il-promozzjoni ta’ strateġija ġdida tal-innovazzjoni b’task forces għal trasformazzjonijiet speċifiċi prinċipali,

il-promozzjoni ta’ prattiki tajba fl-edukazzjoni tal-konsumatur u l-azzjoni fil-komunità.

5.5.   Nemmu li hemm vantaġġ kompetittiv sostanzjali għal dawk l-ekonomiji li jersqu l-aktar malajr lejn l-ekoeffiċjenza – kif ukoll żvantaġġi kompetittivi serji għal dawk li jitħallew lura. Għaldaqstant inħeġġu li l-għan li nsiru waħda mill-aktar ekonomiji ekoeffikaċji fid-dinja għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija riveduta ta’ Lisbona għall-futur tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li tagħmel parti mill-politiki Ewropej u l-programmi fuq il-linji rakkomandati f’din l-opinjoni.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/06)

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-politika u l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u fil-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Preżentazzjoni u sfond

1.1.   Il-KESE ddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja biex jipproponi li l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-fruntieri għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u jiffokaw prinċipalment fuq il-libertà u s-sigurtà ta’ kulħadd.

1.2.   B’ħafna diffikultajiet politiċi fi ħdan il-Kunsill, l-UE qiegħda tattrezza lilha nnifisha b’qafas leġiżlattiv komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni, li jagħti drittijiet sopranazzjonali u garanziji li jmorru lil hinn mil-liġijiet li jinbidlu (u kultant restrittivi) tal-Istati Membri. Il-KESE jilqa’ l-progress li sar: it-tfassil ta’ leġiżlazzjoni komuni għal 27 Stat Membru mhuwiex ħaġa faċli, speċjalment f’qasam sensittiv bħall-immigrazzjoni.

1.3.   Madankollu, in-natura minima tal-armonizzazzjoni ta’ ħafna minn dawn ir-regoli qed ixxekkel l-eżistenza ta’ garanziji sħaħ u adegwati għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej fil-liġi nazzjonali mhijiex miexja sew f’ċerti Stati Membri fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

1.4.   Matul dawn l-aħħar snin, il-KESE fassal għadd ta’ opinjonijiet li jagħmlu appell sabiex il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni tkun imsejsa fuq approċċ komprensiv, li jirrifletti mhux biss il-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-UE iżda wkoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti.

1.5.   Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwar il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil u fisser l-impenn politiku qawwi tal-UE sabiex il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni timxi ’l quddiem. Matul il-Presidenza Svediża, l-UE għandha tadotta l-Programm ta’ Stokkolma (1).

1.6.   Huwa wkoll mistenni li t-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ; dan jista’ jagħti impetu ġdid lill-implimentazzjoni tal-politiki tal-immigrazzjoni li se jiġu adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jagħti karattru legalment vinkolanti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.7.   Matul dawn l-aħħar snin, il-KESE saħħaħ il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u stabbilixxa rabta dejjiema ta’ parteċipazzjoni permezz tal-Forum Ewropew dwar l-integrazzjoni (2). Il-Kumitat impenja ruħu bis-sħiħ sabiex jiżgura li s-soċjetà ċivili tkun involuta fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni.

1.8.   Il-Kumitat jinsab imħasseb huwa u josserva li fl-Ewropa qed jikbru l-intolleranza, ir-razzismu u l-ksenofobija kontra l-immigranti, kontra “l-oħrajn”, u jibża’ li l-effetti soċjali tal-kriżi finanzjarja se jikkontribwixxu sabiex dawn jiżdiedu. Il-politiċi u persuni oħrajn li jinfluwenzaw is-soċjetà, flimkien mal-mezzi tax-xandir, għandhom jaġixxu bl-akbar responsabbiltà u jkunu ta’ eżempju politiku u soċjali ċar favur il-prevenzjoni ta’ mġiba bħal din. It-tagħlim tal-valuri umani, tad-drittijiet fundamentali, tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni għandu jingħata post aktar prominenti fil-kurrikuli tal-iskejjel primarji u sekondarji.

2.   Id-drittjiet fundamentali tal-bniedem u l-politiki tal-immigrazzjoni

2.1.   Fost il-bosta strumenti internazzjonali, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddikjara n-natura universali ta’ sistema komuni ta’ prinċipji u valuri.

2.2.   Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li ġiet iffirmata f’Ruma fl-1950 u li ġabret l-adeżjoni tal-Istati Membri kollha, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jiffurmaw is-sisien u l-garanzija ta’ dawn id-drittijiet fit-territorju kollu tal-UE.

2.3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (jew “Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea”, QĠE) irrikonoxxiet li l-KEDB u l-QEDB jiffurmaw parti mis-sistema legali komuni tal-Komunità u jipprovdu prinċipji ġenerali fi ħdan din is-sistema.

2.4.   Dan ġie kkonfermat mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li saħħaħ il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Ewropea u l-kompetenza tal-QĠE biex tinforza r-rispett ta’ dawn id-drittijiet fl-azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri f’oqsma suġġetti għal-liġi Komunitarja.

2.5.   Minkejja li l-Istati għandhom id-dritt sovran li jikkontrollaw id-dħul u li jagħtu l-permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-KESE jfakkar li l-istess Stati għandhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom relatati mal-istrumenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-interpretazzjoni (u l-implimentazzjoni) tagħhom mill-qrati kompetenti.

2.6.   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tinkorpora drittijiet ġodda li ma kinux inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (3). Barra minn hekk, għadd kbir ta’ dawn id-drittijiet japplikaw indipendentement miċ-ċittadinanza ta’ dak li jkun. Il-Karta se tkun vinkolanti wara r-ratifika tat-Trattat ta’ Lisbona u se ssaħħaħ is-sigurtà legali tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Il-Karta se tkun applikabbli fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, speċjalment meta dawn japplikaw il-liġi Komunitarja, u se ssaħħaħ ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni.

2.7.   Permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni se jkollha l-għażla li taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; dan ikun jista’ jsaħħaħ l-impenn tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

2.8.   Il-Kumitat appoġġja wkoll (4) il-ħolqien tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Fl-2008, il-Kunsill Ewropew adotta l-qafas multiannwali tal-Aġenzija li jkopri disa’ oqsma tematiċi, fosthom ir-razzismu u l-ksenofobija; id-diskriminazzjoni; l-asil, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni; kif ukoll il-viżi u l-kontroll fil-fruntieri. Il-KESE jixtieq ikun involut fl-Aġenzija, sabiex isaħħaħ ir-rwol li taqdi s-soċjetà ċivili organizzata fil-ħidma ta’ din l-Aġenzija.

2.9.   Madankollu, minkejja dawn l-istrumenti u l-istrutturi Komunitarji, bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u rapporti minn riċerkaturi independenti u universitarji wrew li wħud mill-politiki u mil-liġijiet nazzjonali u Ewropej ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali b’mod adegwat.

2.10.   Fir-rigward tal-politiki Komunitarji, hemm ukoll għadd kbir ta’ rapporti li jindikaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti f’bosta Stati Membri; f’okkażjonijiet oħra, il-politiki Ewropej jilleġittimaw prattiki nazzjonali ta’ immigrazzjoni li huma inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istat tad-dritt.

2.11.   F’opinjoni reċenti (5), il-Kumitat wera li “l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Biex isaħħaħ dan l-objettiv, il-KESE jipproponi li għandhom jiddaħħlu żewġ prinċipji komuni ġodda għall-istadji futuri tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni kif imfassla fil-Programm ta’ Stokkolma: id-Drittijiet Fundamentali, u l-Istat tad-Dritt u l-Libertajiet Fundamentali”.

2.12.   Il-libertajiet fundamentali għandhom jingħataw lil kulħadd, u mhux biss liċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-persuni li jfittxu l-asil u l-immigranti huma mħarsa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Barra minn hekk, il-liġi Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-fruntieri u l-każistika tal-QĠE jipprovdu sensiela ta’ garanziji u drittijiet li jmorru lil hinn mill-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri.

2.13.   Il-KESE ppropona wkoll (6) li, fil-qafas tal-politika esterna, l-UE għandha tipproponi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u tal-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas għandu jinkludi l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, li għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri tal-UE, minkejja l-fatt li l-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (7) fejn ippropona li dan għandu jsir.

2.14.   Fil-Programm għall-Ewropa (8), il-Kumitat jipproponi wkoll li d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu rrispettati fl-UE u b’mod partikolari fil-politiki tal-immigrazzjoni u l-asil.

2.15.   Il-KESE jikkunsidra li l-valuri u l-prinċipji tal-UE, il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem għandhom jiġu msaħħa permezz ta’ awtorità politika viżibbli u robusta fil-livell Ewropew. Għaldaqstant, huwa jappoġġja l-proposta tal-President Barroso li tinħoloq il-kariga ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u l-Libertajiet Ċivili. Il-Kumitat jemmen li dan id-dipartiment se jkun attrezzat bl-istrumenti politiċi u r-riżorsi organizzattivi u finanzjarji meħtieġa, sabiex iwettaq din ir-responsabbiltà kbira.

2.16.   Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-immigrazzjoni u l-asil mhumiex inklużi f’dan il-portafoll, minħabba li ġew ikklassifikati bħala kwistjonijiet ta’ sigurtà interna, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Kummissarju ieħor. L-assimilazzjoni tal-immigrazzjoni mas-sigurtà u s-separazzjoni tagħha mill-ħarsien tad-drittijiet fundamentali jibagħtu messaġġ politiku ħażin.

3.   L-universalità tad-drittijiet tal-bniedem

3.1.   Illum l-Ewropa qed tiffaċċja sfida kbira: li tiżgura li kull persuna tgawdi mid-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tas-sistemi legali tal-UE u tal-Istati Membri; dawn huma bbażati fuq il-kunċett tradizzjonali taċ-ċittadinanza, li jiċħad uħud minn dawn id-drittijiet lin-“nonċittadini”, u fuq id-distinzjoni legali bejn ċittadini u stranġieri, bejn immigranti legali u dawk irregolari.

3.2.   Il-korpi tal-liġi dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa ma jiggarantixxux b’mod adegwat l-istatus tal-immigranti bħala persuni intitolati għal drittijiet u għal protezzjoni. Ir-rabta legali stretta bejn il-permessi ta’ xogħol u ta’ residenza tagħmilha perfettament ċara li l-immigranti mhumiex meqjusa bħala persuni iżda bħala ħaddiema, jiġifieri bħala għodda għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol li titlef il-possibbiltà li tibqa’ legalment fil-pajjiż ġaladarba ma tibqax meħtieġa. Għaldaqstant, dawn jitilfu ħafna mid-drittijiet tagħhom hekk kif jinbidel l-istatus amministrattiv tagħhom u jsiru “persuni mingħajr dokumenti”.

3.3.   Id-drittijiet tal-bniedem huma universali, irrevokabbli u jipproteġu lil kulħadd, indipendentement mill-kondizzjoni jew l-istatus legali tagħhom.

4.   Id-drittijiet tal-bniedem u l-politika tal-immigrazzjoni: għaxar prijoritajiet operattivi għall-Ewropa sabiex tkun żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

4.1.   Ewropa tad-Drittijiet

4.1.1.   F’dawn l-aħħar snin, il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tilfu mill-importanza tagħhom fl-aġenda tal-UE. Is-sigurtà tal-Istat kienet il-prijorità politika u ġiet meqjusa bħala inkompatibbli ma’ aktar libertà u ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

4.1.2.   Kwalunkwe politika tas-sigurtà li tiġi adottata għandha tħares il-valuri tal-libertà u l-ġustizzja. Il-KESE jqis li dawn il-politiki għandhom ikunu msejsa fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali li huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.1.3.   It-tisħiħ tas-sigurtà ma għandux jhedded il-valuri fundamentali (id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet pubbliċi) jew il-prinċipji demokratiċi (l-istat tad-dritt) li huma komuni għall-Unjoni. Il-libertà tal-individwu ma għandhiex tiġi ostakolata bl-iskuża tal-għan tas-sigurtà kollettiva u statali. Xi proposti ta’ politiki jtennu l-iżball li sar fl-imgħoddi billi jissagrifikaw il-libertà f’isem it-titjib tas-sigurtà.

4.1.4.   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2009 dwar Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini, li tqis il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej bħala prijorità.

4.1.5.   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromovi kultura tad-drittijiet fundamentali sa mill-ewwel stadji tal-proċess leġiżlattiv, inkluża l-politika tal-immigrazzjoni. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali għandu jkun mira komuni għall-istituzzjonijiet Komunitarji kollha (9). Għandu jkun hemm ukoll sistema Ewropea komuni ta’ evalwazzjoni ex post perjodika tal-applikazzjoni tal-politiki Ewropej adottati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fir-rigward ta’ kemm huma kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u ta’ kemm huma effettivi (10). Il-KESE u s-soċjetà ċivili organizzata wkoll għandhom jaqdu rwol ewlieni f’dawn l-evalwazzjonijiet.

4.2.   Il-leġiżlazzjoni dwar l-ammissjoni

4.2.1.   Il-KESE diġà talab li l-UE tattrezza ruħha b’politika komuni dwar l-immigrazzjoni u b’leġiżlazzjoni armonizzata. Jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jkollhom leġiżlazzjoni miftuħa li tippermetti l-immigrazzjoni għall-finijiet ta’ xogħol permezz ta’ rotot legali u trasparenti għall-ħaddiema, kemm dawk bi kwalifiki għolja u kemm dawk b’inqas kwalifiki. B’dan il-mod, id-drittijiet tal-immigranti jkunu mħarsa b’mod adegwat.

4.2.2.   Il-Kumitat ippropona leġiżlazzjoni orizzontali iżda l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kunsill iddeċidew li jfasslu direttivi speċifiċi għal ċerti gruppi ta’ immigranti; dan huwa fatt li jista’ jagħti lok għad-diskriminazzjoni.

4.2.3.   Fl-opinjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-KESE jipprova jiżgura l-konsistenza globali u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, flimkien mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, indipendentement mill-kategorija professjonali tal-ħaddiema immigranti.

4.3.   Id-drittijiet tal-ħaddiema immigranti u l-familji tagħhom

4.3.1.   Il-pedament għandu jkun il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta). Il-ħaddiema immigranti għandhom igawdu mill-istess drittijiet ekonomiċi, professjonali u soċjali bħall-ħaddiema l-oħra, ikun xi jkun il-perijodu tal-permess ta’ residenza u ta’ xogħol tagħhom. Dan huwa wkoll konformi mal-Artikolu 15(3) tal-Karta, li jgħid hekk: “iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji tal-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta’ xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni”.

4.3.2.   It-trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol jikkonċerna l-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi, is-sensji, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u d-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ strajk.

4.3.3.   Il-KESE jikkunsidra li t-trattament ugwali għandu jkun promoss b’rabta ma’ drittijiet soċjali u fundamentali oħra, kif propost f’opinjoni preċedenti: “il-KESE jipproponi numru ta’ drittijiet li għandhom jingħataw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu u jgħixu legalment, għalkemm temporanjament, fi Stat Membru” (11), bħalma huma:

id-dritt għall-protezzjoni soċjali, inkluża l-kura medika;

l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, inkluża l-akkomodazzjoni (Artikoli 34 u 35 tal-Karta);

l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Artikolu 14 tal-Karta);

ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

ir-rikonoxximent tad-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema migranti li jkunu sekondati fl-UE (12);

id-dritt għall-edukazzjoni tal-minuri, inklużi l-iffinanzjar u l-għotjiet għall-istudju;

id-dritt għal assistenza legali mingħajr ħlas f’każ ta’ bżonn (Artikolu 47 tal-Karta);

id-dritt għall-aċċess ta’ servizz mingħajr ħlas ta’ stazzjonar mill-ġdid (servizz pubbliku);

id-dritt li wieħed jiġi mgħallem il-lingwa tal-pajjiż ospitanti;

ir-rispett tad-diversità kuluturali, reliġjuża u lingwistika (Artikolu 22 tal-Karta);

id-dritt tal-moviment ħieles u tar-residenza fi ħdan l-Istat Membru.

4.3.4.   Il-kapaċità tal-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali tiddependi minn kemm is-servizzi pubbliċi jingħataw il-mezzi sabiex jirrispettawhom (riżorsi, taħriġ tal-impjegati) u minn kemm ir-rappreżentanti tagħhom ikunu marbuta legalment li jittrattaw l-individwi b’mod newtrali u indipendenti. Barra minn hekk, il-KESE għandu d-dubji tiegħu, f’dan il-perijodu ta’ kriżi, dwar ir-riżorsi baġitarji li l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u dwar il-livell ta’ dawn ir-riżorsi li huma lesti joħorġu, fuq livell nazzjonali u Ewropew, sabiex il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment dawk tal-immigranti, ikun effettiv.

4.3.5.   Il-Kumitat ma jaqbilx mal-proposta għal direttiva qafas li tippermetti lill-Istati Membri li jillimitaw id-dritt għal trattament ugwali fir-rigward ta’ xi kondizzjonijiet tax-xogħol (inklużi pagi u sensji, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali), tal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt ta’ strajk (13), għal dawk il-persuni li għandhom impjieg. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu wkoll idgħajfu l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u l- Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet.

4.3.6.   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżenta Kodiċi Ewropea dwar l-Immigrazzjoni, li għandha tkopri d-drittijiet fundamentali u l-garanziji għall-immigranti kollha fl-UE.

4.4.   Riunifikazzjoni tal-familja

4.4.1.   Id-dritt għall-ħajja tal-familja huwa wieħed mid-drittijiet tal-bniedem li l-UE u l-Istati Membri għandhom iħarsu u jiggarantixxu fil-politiki u l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-immigrazzjoni (14).

4.4.2.   In-natura minimalista tad-Direttiva 2003/86/KE tal-Kunsill dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja tippermetti li xi liġijiet nazzjonali ma jiggarantixxux bis-sħiħ id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan ġie kkonfermat fir-rapport mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-direttiva (15) li jqajjem dubju dwar il-kompatibbiltà bejn l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ integrazzjoni bħala prekondizzjoni għall-ammissjoni fit-territorju u d-dritt għall-ħajja tal-familja (Artikolu 7 tal-Karta) u l-prinċipju tal-proporzjonalità.

4.4.3.   Il-Kumitat jaħseb li d-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE tadotta aproċċ inqas restrittiv għar-riunifikazzjoni tal-familja mid-Direttiva 2003/86. Dan l-approċċ għandu jkun estiż għall-kategoriji kollha tal-immigranti, indipendentement minn kemm huma kwalifikati jew le.

4.4.4.   Għaldaqstant, il-Kumitat jipproponi li matul l-2010 l-Kummissjoni tfassal proposta biex temenda d-Direttiva 2003/86.

4.5.   Fruntieri u immigrazzjoni irregolari

4.5.1.   Il-KESE jixtieq li l-kontroll fil-fruntieri ikun effettiv u li jirrispetta d-dritt fundamentali għall-asil (Artikolu 18 tal-Karta) u l-prinċipju ta’ non-refoulement, li jwaqqaf lill-persuni milli jintbagħtu lura lejn pajjiżi fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun fil-periklu (Artikolu 19 tal-Karta). Bosta persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jaslu fil-fruntieri esterni permezz ta’ rotot klandestini. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li tali persuni jkunu jistgħu jressqu t-talbiet tagħhom għall-ħarsien u li t-talbiet tagħhom jiġu eżaminati mingħajr eċċezzjonijiet b’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej u mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali.

4.5.2.   Il-KESE jipproponi li, qabel ma jissaħħu s-setgħat operattivi tal-Aġenzija FRONTEX, għandu jkun hemm evalwazzjoni independenti tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-operazzjonijiet konġunti ta’ kontroll fil-fruntieri u għandu jissaħħaħ il-kontroll parlamentari nazzjonali u Ewropew. Għandha tiġi evalwata wkoll il-kompatibbiltà mal-garanziji stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 13.

4.5.3.   Il-miżuri ta’ kontroll u sorveljanza tal-UE relatati mal-immigrazzjoni irregolari qegħdin ukoll jiġu estiżi ġeografikament lil hinn mill-fruntiera esterna tal-UE, permezz ta’ operazzjonijiet konġunti fl-Afrika. L-UNHCR u bosta ONG wissew dwar in-nuqqas ta’ garanziji rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem meta operazzjonijiet ta’ kontroll fil-fruntieri jseħħu barra mit-territorju tal-UE.

4.5.4.   L-istrateġija tal-kontroll fil-fruntieri tal-UE tagħmel użu kbir mit-teknoloġija tas-sigurtà; madankollu, ġew stabbiliti bażijiet tad-data li jittrattaw ammonti kbar ta’ data personali (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II), Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), eċċ.) u dawn qed jiġu użati biex jiġu ffurmati profili etniċi u kulturali/reliġjużi. Dan joffri sfida fir-rigward tal-ħarsien tad-dritt tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.5.5.   Bl-istess mod, is-sistema proposta fil-pakkett dwar il-fruntieri ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2008 (16) tqajjem dubju dwar il-proporzjonalità u r-raġonevolezza, li huma essenzjali għal kull leġiżlazzjoni ġdida fl-UE, u tqajjem ukoll tħassib serju dwar kif il-ħarsien tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta) u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 13 tat-trattat tal-KE se jiġu żgurati fil-kuntest tal-użu ta’ ċerti inizjattivi tekonoloġiċi (pereżempju s-sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u l-ħruġ).

4.5.6.   Il-KESE huwa tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, għandha tissaħħaħ is-solidarjetà tal-UE ma’ dawk l-Istati Membri li, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, ikollhom jittrattaw ma’ ammonti kbar ta’ vittmi tan-netwerks tat-traffikar kriminali li jaslu b’mezzi irregolari. Il-KESE jipproponi li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil jibda jiffunzjona.

4.5.7.   L-UE għandha tippromovi wkoll il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini sabiex ittejjeb ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tbiegħed l-immigrazzjoni irregolari, tħeġġeġ l-immigrazzjoni legali u tikkumbatti n-netwerks kriminali tat-traffikar tal-persuni.

4.6.   Ritorn u riammissjoni

4.6.1.   Id-Direttiva dwar ir-Ritorn (17) se tipprovdi qafas Ewropew ta’ garanziji legali u proċedurali ta’ protezzjoni (18), li huma apprezzati mill-KESE, bħar-rimedju effettiv li persuna tappella kontra d-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti independenti, kif ukoll rappreżentanza u assistenza legali bla ħlas, ċerti garanziji waqt l-istennija tar-ritorn, il-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni, eċċ.

4.6.2.   Madankollu, il-KESE jaqbel mal-fehma ta’ ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u esperti indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (19) li jindikaw għadd ta’ diskrepanzi bejn is-sistema komuni proposta fid-Direttiva u d-drittijiet fundamentali tal-immigranti. Se jkun hemm bżonn ta’ monitoraġġ dettaljat tal-fażijiet tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali rigward il-miżuri ta’ tkeċċija, id-detenzjoni, il-proċeduri tal-appell u trattament ta’ persuni vulnerabbli skont id-Direttiva.

4.6.3.   Il-Kumitat jipproponi li l-politika Ewropea dwar ir-ritorn għandha tkun imsejsa fuq approċċ volontarju u fuq l-ikbar konsiderazzjoni possibbli tal-valuri umanitarji. Il-leġittimità u l-kredibbiltà tal-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni fil-bqija tad-dinja jiddependu minn dan. L-eċċezzjonijiet li jinstabu, pereżempju, fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba”) jistgħu jċaħħdu lir-ritorn min-natura volontarja tiegħu minħabba d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri waqt it-traspożizzjoni u fl-interpretazzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-Direttiva tonqos milli tiżgura protezzjoni adegwata għall-persuni li jitħallew f’limbu legali jistennew li jiġu mkeċċija jew rigward il-kondizzjonijiet li jiġġustifikaw id-detenzjoni tagħhom (20), li tista’ ddum sa sitt xhur (u tista’ tiġi estiża għal tnax-il xahar ieħor) (21).

4.6.4.   L-Artikolu 19 tal-Karta jipprojbixxi espressament tkeċċijiet kollettivi u jiżgura li ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew ikun estradit lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti – il-prinċipju ta’ non-refoulement (Artikoli 4 u 19 tal-Karta). Il-Karta tirrinforza r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, l-UNHCR u bosta ONG ikkundannaw każijiet ta’ tkeċċija kollettiva u ta’ tkeċċija ta’ immigranti irregolari u ta’ persuni li qed ifittxu l-asil lejn pajjiżi fejn hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

4.6.5.   Il-KESE jfakkar li l-Artikoli 3, 5, 6, 8 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikoli 3, 4, 19, 24 u 47 tal-Karta fihom dispożizzjonijiet applikabbli għal kwalunkwe politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni irregolari u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-protezzjoni fil-każ ta’ ritorn, tkeċċija jew estradizzjoni. Ħafna immigranti irregolari jsibu ruħhom f’pożizzjoni umanitarja diffiċli u huwa minħabba f’hekk li l-liġijiet u l-prattiki li jiġu implimentati, ikunu liema jkunu, għandhom ikunu mfassla u applikati skont kriterji stretti tad-drittijiet tal-bniedem u prinċipji morali msejsa fuq is-solidarjetà.

4.6.6.   L-istat tad-dritt iħares id-dritt fundamentali ta’ kulħadd għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Bl-istess mod, l-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li l-gwardji tal-fruntiera m’għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni għal raġunijiet ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Ta’ min jgħid ukoll li, b’konformità mal-Artikolu 13, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkun iċċaħħdilhom id-dħul għandhom id-dritt li jagħmlu appell kontra d-deċiżjoni u għandhom jingħataw formola bir-raġunijiet għaċ-ċaħda (22).

4.6.7.   Skont il-mod kif il-QEDB tinterpreta l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (23), dawk il-persuni li jbatu minn mard fiżiku jew mentali serju m’għandhomx jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni jew jitkeċċew, minħabba li għandhom bżonn ta’ għajnuna medika. Is-sitwazzjoni tal-minorenni ukoll teħtieġ attenzjoni speċifika u protezzjoni. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni rigward is-sitwazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati.

4.6.8.   Il-KESE jqis li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa prekondizzjoni indispensabbli biex jiġi ffirmat ftehim ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi u ma jaqbilx li l-UE jew l-Istati Membri jidħlu fi ftehim ta’ ripatrijazzjoni jew kontroll fil-fruntieri ma’ pajjiżi li għadhom ma ffirmawx l-istrumenti legali ewlenin għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem jew f’każijiet fejn hemm evidenza ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dawk li jfittxu l-asil (24).

4.7.   Ċentri ta’ detenzjoni

4.7.1.   Il-KESE jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għaż-żamma f’kondizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil u tal-immigranti irregolari; din għandha tibqa’ miżura straordinarja (25).

4.7.2.   Iċ-ċirkostanzi li fihom qed isseħħ detenzjoni fit-tul f’għadd ta’ Stati Membri bħalissa huma inaċċettabbli u għandhom jiġu analizzati fid-dettall mil-lat tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal amministrazzjoni tajba kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta.

4.7.3.   Il-Kumitat jappella għal aktar trasparenza fir-rigward taċ-ċentri ta’ detenzjoni ġewwa u barra l-UE u jitlob li l-UNHCR tinżamm infurmata dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jinżammu f’dawn iċ-ċentri u li dawn il-persuni jingħataw assistenza adegwata mill-ONG.

4.7.4.   Il-KESE jemmen li n-nisa tqal u l-minorenni għandhom jirċievu protezzjoni speċjali u ma għandhomx jinżammu f’dawn iċ-ċentri.

4.8.   Persuni mingħajr dokumenti

4.8.1.   Il-KESE ma jħarisx lejn persuna mingħajr dokumenti bħala persuna mingħajr drittijiet: għaldaqstant, l-UE u l-Istati Membri għandhom iħarsu d-drittijiet fundamentali tagħha.

4.8.2.   Jeħtieġ li l-espressjoni “immigrazzjoni illegali”, b’referenza għall-migranti, tiġi ċċarata xi ftit. Għalkemm mhuwiex legali li wieħed jidħol f’pajjiż mingħajr id-dokumenti u l-awtorizzazzjoni meħtieġa, dawk li jagħmlu hekk mhumiex delinkwenti. Ir-rabta li jagħmlu ħafna mill-mezzi tax-xandir u d-diskorsi politiċi bejn l-immigrazzjoni irregolari u d-delinkwenza ma tirriflettix ir-realtà u tħeġġeġ attitudnijiet ta’ biża’ u ta’ ksenofobija fost in-nies li jgħixu fil-pajjiż ospitanti.

4.8.3.   Il-Kumitat jikkunsidra li ċerti Stati Membri għandhom bżonn jipprovdu ħarsien itjeb tad-drittijiet fundamentali tal-immigranti mingħajr dokumenti, u li l-UE għandha tikkunsidrahom bħala wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli, billi tipprevjeni l-isfruttament tagħhom fis-suq tax-xogħol u billi tiżguralhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa, għal servizzi soċjali oħra u għall-edukazzjoni tal-minorenni.

4.8.4.   Jeħtieġ li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (tfal, nisa u rġiel) li jsir bi skopijiet ta’ sfruttament sesswali u fis-suq tax-xogħol, b’konformità mal-Artikolu 5(3) tal-Karta. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni effettiva għall-vittmi, billi jagħmluha aktar faċli għalihom li jikkooperaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji u jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

4.9.   Regolarizzazzjoni

4.9.1.   Fil-fehma tal-Kumitat, il-gvernijiet qed jaġixxu b’mod ipokrita. Il-politika tar-ritorn mhijiex l-unika soluzzjoni għall-immigrazzjoni irregolari. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri implimentaw proċeduri biex jillegalizzaw l-immigranti irregolari peress li jqisu li r-regolarizzazzjoni taħt kondizzjonijiet speċifiċi hija adegwata sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, meta wieħed jikkunsidra l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali.

4.9.2.   Il-KESE jaqbel li għandu jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regolarizzazzjoni u li għandhom jitfasslu linji gwida implimentattivi Ewropej, fuq il-bażi tal-impenn tal-Kunsill fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (26), fejn sar qbil li jsiru regolarizzazzjonijiet fuq bażi ta’ kaz b’każ fil-qafas tal-liġi nazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi.

4.9.3.   Fil-każ ta’ persuni li jkollhom permess ta’ residenza skadut, ir-ritorn permezz ta’ ordni ta’ tkeċċija għandu jitqies bħala l-aktar miżura estrema. Qabel ma jittieħed dan il-pass, għandu jitqies jekk dawn il-persuni wrewx l-intenzjoni li jġeddu r-residenza tagħhom.

4.9.4.   Il-KESE jqis li, f’soċjetà demokratika, il-bżonn ta’ tkeċċija għandu jiġi evalwat (prinċipju tal-proporzjonalità) b’konformità mal-interpretazzjoni tal-każistika tal-KEDB (27). Il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni, kif provdut fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tar-Ritorn.

4.9.5.   Għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-effetti (u l-vijabbiltà) tat-tkeċċija fuq id-dritt fundamentali għal ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

4.10.   Politiki tal-integrazzjoni

4.10.1.   Il-KESE fassal diversi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja li jitolbu lill-UE tadotta politiki tal-integrazzjoni ta’ natura proattiva li jkollhom approċċ bidirezzjonali, billi jkunu diretti kemm lejn is-soċjetà ospitanti kif ukoll lejn l-immigranti. L-integrazzjoni hija proċess soċjali li jseħħ f’soċjetà waħda bejn l-immigranti u s-soċjetà ospitanti, u bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti.

4.10.2.   Il-KESE qed jippromovi approċċ Ewropew dwar l-integrazzjoni li jirrifletti l-fatt li kull Stat Membru għandu s-sistemi legali tiegħu, l-istituzzjonijiet soċjali kif ukoll is-sistemi u l-mudelli kulturali tiegħu.

4.10.3.   Approċċ Ewropew komuni ikun ifisser valur miżjud sostanzjali għall-politiki u l-proċessi tal-integrazzjoni minħabba r-rabta trasversali tiegħu ma’ politiki oħrajn tal-UE, fosthom l-Istrateġija ta’ Lisbona, il-politika tal-impjiegi, l-aġenda soċjali u l-politika tal-koeżjoni. Dan l-approċċ jista’ jsaħħaħ ir-rabtiet bejn l-integrazzjoni u l-valuri u l-prinċipji tal-UE msemmija fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

4.10.4.   Matul l-2008, il-Kumitat ħa sehem attiv fis-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali bil-għan li jiffaċilita l-integrazzjoni u jippromovi ċittadinanza Ewropea aktar inklużiva permezz tad-djalogu fil-kuntest tad-diversità tas-soċjetajiet Ewropej. Il-KESE ppropona (28) li jitħejjew kotba ta’ tagħrif.

4.10.5.   Il-KESE jipproponi approċċ pożittiv dwar l-integrazzjoni. Madankollu, xi gvernijiet għandhom approċċ negattiv dwar l-integrazzjoni u jikkunsidrawha bħala mezz ġdid ta’ diskriminazzjoni u ostaklu ieħor għall-ugwaljanza u l-aċċess għad-drittijiet fundamentali. Il-KESE jqis li dan l-approċċ jinsab f’kuntradizzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 (dritt għan-nondiskriminazzjoni) u 22 (dritt għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika) tal-Karta.

4.10.6.   Bħala eżempji tal-aħjar prattika hemm il-ħolqien ta’ forums u pjattaformi konsultattivi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u għaldaqstant il-KESE jħeġġeġ l-Istati Membri kollha sabiex iwaqqfu strutturi bħal dawn. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, li twaqqaf dan l-aħħar bis-saħħa tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni u l-KESE, huwa għodda importanti ħafna sabiex l-integrazzjoni tissaħħaħ permezz ta’ approċċ Ewropew.

5.   Ċittadinanza Ewropea aktar inklużiva

5.1.   Xi gvernijiet adottaw pożizzjoni nazzjonalista favur l-esklużjoni u b’hekk jiddefinixxu l-identità nazzjonali u Ewropea b’mod li jeskludu u jħallu barra minnha d-diversità attwali tas-soċjetajiet Ewropej u d-diversità ta’ ħafna persuni minħabba l-oriġini etnika, nazzjonali, reliġjuża jew kulturali tagħhom.

5.2.   Is-soċjetajiet demokratiċi tagħna huma mħallta u jgawdu minn rikkezza ta’ diversità kbira. Kull ċittadin Ewropew huwa msawwar minn identitajiet differenti. Id-demokraziji Ewropej huma soċjetajiet ħielsa u miftuħa u għandhom ikunu msejsa fuq l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha, ikunu xi jkunu r-referenzi identitarji tagħhom.

5.3.   Il-kwalità tad-demokrazija tista’ tbati jekk id-drittijiet relatati maċ-ċittadinanza jiġu ristretti permezz ta’ viżjoni dejqa u esklużiva tal-identità. Il-politiki tal-integrazzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni ma għandhom qatt jintużaw bħala ġustifikazzjoni politika għall-esklużjoni tal-immigranti u tal-minoranzi mid-drittijiet fundamentali tagħhom.

5.4.   Il-KESE jqis li s-sisien tad-demokraziji tagħna għandhom jiġu estiżi biex jinkludu ċittadini ġodda, li huma ugwali fid-drittijiet u fl-obbligi. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom ikopru l-forom kollha tad-diversità mingħajr diskriminazzjoni (29).

5.5.   Il-KESE fassal opinjoni fuq inizjattiva proprja (30) indirizzata lill-Konvenzjoni li ħejjiet it-Trattat Kostituzzjonali, trattat ta’ xortih ħażina, fejn talab sabiex iċ-ċittadinanza Ewropea tingħata lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom status ta’ residenti fit-tul. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jinkludu din il-proposta bħala prijorità fil-mandat il-ġdid tagħhom.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 262 finali, 10.6.2009.

(2)  Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u s-sit elettroniku tal-UE dwar l-integrazzjoni.

(3)  ĠU C 303, 14.12.2007, pġ. 1.

(4)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 88, 11.4.2006, p. 37.

(5)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78.

(6)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(7)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 302, 7.12.2004, p. 49.

(8)  Programm għall-Ewropa: http://www.eesc.europa.eu/documents/publications/pdf/booklets/EESC-2009-10-MT.pdf.

(9)  Rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar Il-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, COM(2009) 205 finali, 29.4.2009.

(10)  Dan ikun konformi mal-Artikolu 60 tat-Trattat ta’ Lisbona.

(11)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 286, 17.11.2005, p. 20.

(12)  Fil-qafas tal-Proposta għal Direttiva li l-Kummissjoni se tadotta fix-xhur li ġejjin.

(13)  COM(2007) 638 finali, Artikolu 12(2)(e) u (d). Skont id-dispożizzjonijiet tal-proposta, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll restrizzjonijiet dwar l-għotjiet għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll jillimitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni pubblika għal dawk li għandhom il-permess ta’ residenza għal tal-anqas tliet snin.

(14)  Kif indikat il-QĠE fil-każ C-540/03, Il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill.

(15)  COM(2008) 610 finali, 8.10.2008.

(16)  COM(2008) 69 finali, 13.2.2008.

(17)  Id-Direttiva 2008/115/KE.

(18)  Pereżempju l-Artikolu 12(1) u 12(2), 13(1) u 13(2), 13(3) u 13(4), 14(1) u 14(2) tad-Direttiva.

(19)  Stqarrija għall-istampa tan-NU li turi t-tħassib tal-esperti tan-NU dwar il-proposta ta’ Direttiva tar-Ritorn tal-UE, 18.7.2008.

(20)  Artikolu 15(1).

(21)  Artikoli 15(5) u 15(6).

(22)  Regolament 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), ĠU L 105/1, 13.4.2006.

(23)  Artikolu 19 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali jinkorpora l-każistika tal-qorti ta’ Strasburgu, u speċifikament id-deċiżjoni tas-17.12.1996, Ahmed kontra l-Awstrija 1996, VI-2006, u d-deċiżjoni Soering tas-7.7.1989.

(24)  Kif indikat il-QĠE fil-każ C-133/06, Il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(25)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-16 ta’ Lulju 2009 dwar L-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu asil, relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière, approvata waqt is-sessjoni plenarja tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110).

(26)  Kunsill tal-UE, 1344/08, 24.8.2008.

(27)  Pereżempju, Boultif v. Switzerland, Nru 54273/00, §§ 39, 41 u 46, 2.11.2001, ECHR 2001-IX. Üner v. the Netherlands [GC], nru. 46419/99, 18.10.2006, § 58.

(28)  Opinjoni tal-KESE; ĠU C 185, 8.8.2006, p. 42.

(29)  L-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(30)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja; ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-enerġija u t-tibdil fil-klima bħala parti integrali tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/07)

Relatur Ġenerali: is-Sinjura SIRKEINEN

Nhar is-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-enerġija u t-tibdil fil-klima bħala parti integrali tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda

Il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Minħabba n-natura tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jaħtar is-Sinjura Sirkeinen bħala Relatur Ġenerali matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, 6 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   It-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija huma tnejn mill-ikbar sfidi ta’ dan is-seklu. L-istrutturi tal-konsum u l-produzzjoni jridu jinbidlu sabiex nimxu lejn tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u fl-użu tal-enerġija. Xi tipi ta’ produzzjoni se jonqsu u jispiċċaw waqt li oħrajn jiżviluppaw u jikbru. Ser ikun hemm impjiegi li jintilfu u oħrajn li jinħolqu u għalhekk ser ikun hemm bżonn miżuri ta’ appoġġ. Ser jinbidlu l-ħiliet u l-għarfien. B’hekk hemm bżonn ta’ riċerka u investimenti kbar f’dan ir-rigward.

1.2.   Hemm bżonn urġenti li nimxu mill-istqarrijiet politiċi għall-miżuri prattiċi iżda dan mhux ser ikun faċli. Il-mexxejja politiċi tagħna jridu jiċċaraw dawn l-isfidi u l-implikazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini u jippjanaw bil-galbu l-miżuri meħtieġa. Mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili m’hu ħa jinbidel xejn. Bosta mistoqsijiet dwar il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE għadhom miftuħa u jeħtieġu iktar studju u informazzjoni mill-Kummissjoni.

1.3.   Passi konkreti lejn soċjetà b’użu baxx tal-karbonju m’għandhomx jiġu posposti minħabba t-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika, serju kemm hu serju. Il-kriżi tista’ u għandha titqies ukoll bħala opportunità għal bidu ġdid b’approċċ differenti lejn kif niksbu tkabbir. Il-KESE b’mod partikolari jenfasizza l-importanza ta’ ftehim internazzjonali f’Kopenħagen.

1.4.   L-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda trid tinkludi pjan ta’ azzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Dan l-għan irid jintlaħaq waqt li jiġu rrispettati t-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli – dak ekonomiku, dak ambjentali u dak soċjali – u mingħajr ma jintesew l-objettivi ġenerali tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi. Qafas ekonomiku kompetittiv huwa prerekwiżit biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija, u politiki tal-klima u tal-enerġija jistgħu, b’approċċ adatt, jappoġġjaw il-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjieg.

1.5.   L-oqsma ewlenin ta’ azzjoni huma l-iżvilupp teknoloġiku u l-investimenti, il-koxjenza u l-imġiba, l-aspetti soċjetali u dawk edukattivi u d-dimensjoni internazzjonali. Sabiex niksbu riżultati reali u sostenibbli ser ikollna bżonn tal-ħin u r-riżorsi.

1.6.   Il-KESE jirrakkomanda li

Wara li stabbilixxiet qafas leġiżlattiv komprensiv għall-enerġija u t-tibdil fil-klima, l-UE issa għandha tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni prattika.

Politiki favur it-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar tal-enerġija, investimenti fi produzzjoni suffiċjenti tal-enerġija u fit-trasport, inklużi grids intelliġenti, suq tal-enerġija intern miftuħ kif ukoll pożizzjonar b’saħħtu tal-UE fix-xena internazzjonali huma neċessarji biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija waqt li jiġu appoġġjati l-miri tal-klima.

Miżuri ta’ politika effettivi għandhom ikunu integrati f’linji gwida integrati, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u l-programmi nazzjonali ta’ riforma dwar l-istrateġija ta’ Lisbona futura.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp teknoloġiku u f’ambitu ta’ kompetizzjoni internazzjonali iebsa għandhom jinvestu iktar fl-R&D & I għal teknoloġiji nodfa inkluża riallokazzjoni possibbli mill-baġit Komunitarju.

Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ qafas li jiffavorixxu l-investimenti f’teknoloġiji ġodda inkluża r-riallokazzjoni potenzjali mill-baġit Komunitarju.

Il-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra għandhom jistabbilixxu informazzjoni korretta, lista tal-aħjar prattiki, parir konkret u miżuri ta’ appoġġ rilevanti sabiex il-konsumaturi jadattaw l-imġiba tagħhom.

L-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod speċjali t-tagħlim tul il-ħajja, għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd sabiex jadattaw għall-bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u l-konsum.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-effetti tal-politiki fuq il-prezzijiet tal-enerġjija sabiex jiġu evitati r-riskji tal-faqar enerġetiku u li tiddgħajjef il-kompetittività kif ukoll biex jiġu evitati l-effetti ħżiena tal-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli..

L-UE għandha tagħmel kull ma hu possibbli biex tilħaq ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li joħloq kundizzjonijiet indaqs fuq livell globali inkluża s-sistema internazzjonali ta’ skambju jew sistemi kumpatibbli.

Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom inkunu involuti b’mod attiv fl-isforz enormi ta’ ristrutturar tal-ekonomiji tagħna. Il-KESE huwa lest u dispost jaqdi r-rwol tiegħu.

Raġunijiet

2.   Daħla: Is-sitwazzjoni attwali

Il-politika tal-enerġija

2.1.   Il-politika tal-enerġija tal-UE għandha tliet objettivi paralleli: is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-ħarsien ambjentali inkluż it-tnaqqis tal-effetti tat-tibdil fil-klima. Jekk ikun hemm bżonn, l-ewwel prijorità għandha tingħata lis-sigurtà tal-provvista. In-nuqqas ta’ enerġija, inluża l-ġenerazzjoni tal-enerġija, hija riskju dejjem iktar reali, b’mod partikolari meta l-ekonomija tibda tirkupra.

2.2.   L-effetti ambjentali u dawk fuq il-klima tal-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tagħha fuq skala kbira huma fil-mira tar-regolamentazzjoni tal-UE. Limiti ġodda fis-sistema ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, li jkopru l-produzzjoni tal-enerġija, l-industriji li jagħmlu użu intensiv tal-enerġija u t-trasport bl-ajru, ġew approvati mill-UE. L-effetti prattiċi ta’ dawn il-proposti għadhom mhux magħrufa minkejja l-valutazzjonijiet tal-impatt globali li saru.

2.3.   L-effiċjenza fl-użu u l-iffrankar tal-enerġija fis-setturi kollha kif ukoll fil-produzzjoni tal-enerġija huma l-pilastri ċentrali u potenzjali għall-bini tas-sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet. L-UE stabbiliet bosta politiki sabiex dan ikun jista’ jseħħ u qed jitħejjew miżuri ta’ politika oħra. Madankollu fl-Istati Membri l-miżuri prattiċi għadhom ftit.

2.4.   Is-sorsi u r-rotot tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa jridu jkunu mħallta u t-taħlita tal-enerġija trid tkun diretta lejn alternattivi b’użu baxx tal-karbonju u b’emissjonijiet baxxi, bħall-enerġija rinnovabbli u l-enerġija nukleari. L-ottimizzazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar it-taħlita tal-enerġija huma f’idejn l-Istati Membri, iżda l-politiki tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli kif ukoll il-leġiżlazzjoni ambjentali u dik dwar il-klima imexxu l-għażliet li jittieħdu.

2.5.   L-Ewropa għandha bżonn tkun parteċipant iktar b’saħħitu fir-relazzjonijiet u s-swieq internazzjonali relatati mal-enerġija. Il-problemi tal-provvista tal-gass li reġgħu tqajmu fil-bidu tal-2009 jistgħu fl-aħħar iwasslu għad-deċiżjoni li ilha biex tittieħed - li naħdmu flimkien.

Il-politiki dwar it-tibdil fil-klima

2.6.   Il-pakkett tal-Enerġija u tal-Klima tal-2008 fih miżuri fis-setturi kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi magħrufin ta’ 20-20-20 sal-2020. L-objettiv ewlieni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jista’ jiżdied sa 30 % fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali ambizzjuż u komprensiv.

2.7.   Il-biċċa l-kbira tal-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri. Ħafna dettalji tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u l-problema tar-rilokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-karbonju (carbon leakage) għad iridu jiġu deċiżi fil-livell tal-UE.

2.8.   Għadna ma nafux kif is-sistema kollha se taħdem fil-prattika. Mistoqsijiet importanti f’dan ir-rigward huma pereżempju l-prezz tad-dijossidu tal-karbonju, iż-żieda fil-prezz tal-enerġija b’riżultat tal-politiki tal-enerġiji rinnovvabbli u l-ispejjeż fid-djar ta’ azzjoni fis-setturi non-ETS. Hemm bżonn ta’ iktar studji u informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar dan.

2.9.   In-negozjati dwar ftehim internazzjonali dwar il-klima ser jilħqu l-qofol tagħhom f’Kopenħagen f’Diċembru 2009. Il-KESE ppreżernta l-fehmiet tiegħu dwar dan f’opinjoni separata. Il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-linji ewlenin għat-tħejjija tal-laqgħa ta’ Kopenħagen inkluża t-tħejjija għall-qsim tal-piż bejn l-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-ifqar pajjiżi.

3.   Kwistjonijiet li ser jiġu indirizzati fl-istrateġija ta’ Lisbona mġedda dwar il-politiki tal-enerġija u tal-klima

3.1.   Ekonomija b’użu baxx tal-karbonju timplika bidliet industrijali kbar. L-emissjonijiet iridu jonqsu u l-użu tal-enerġija u tar-riżorsi naturali m’għandux jibqa’ marbut mat-tkabbir ekonomiku. L-istrutturi tal-konsum u tal-produzzjoni jridu jinbidlu. Xi tipi ta’ produzzjoni se jonqsu u jispiċċaw waqt li oħrajn jiżviluppaw u jikbru. Ser ikun hemm impjiegi li jintilfu u oħrajn li jinħolqu. Ser jinbidlu l-ħiliet u l-għarfien. Hemm bżonn ta’ investimenti enormi kif ukoll miżuri soċjali ta’ appoġġ.

3.2.   Il-mexxejja politiċi tagħna jridu jiċċaraw dawn il-fatti u l-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-ħajja ta’ kuljum maċ-ċittadini. Il-gvernijiet iridu jiċċaraw dak li hemm bżonn isir bħal pereżempju kemm ser ikollha titnaqqas l-enerġija li ġejja mill-karburanti fossili u x’ser jintuża minflokha jew kemm ser ikollu jifffranka enerġija kull wieħed u waħda minna. Mingħajr l-appoġġ taċ-ċittadini u l-azzjonijiet tagħhom, m’hu ħa jinbidel xejn. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa ċentrali.

3.3.   Miżuri favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Ewropa m’għandhomx jiġu posposti minħabba t-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika. Politiki għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-kriżijiet ekonomiċi għandhom jappoġġjaw l-għanijiet ta’ ekonomija b’użu baxx tal-karbonju, u viċi versa. Il-kriżi tista’ u għandha titqies ukoll bħala opportunità għal bidu ġdid b’approċċ differenti ta’ kif niksbu tkabbir.

3.4.   Il-biċċa l-kbira tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet tal-enerġija u tal-klima għas-snin li ġejjin diġà ġew stabbiliti, bl-eċċezzjoni importanti ħafna ta’ ftehim internazzjonali. Issa jrid isir ħafna xogħol fil-livell nazzjonali u għadna ma nafux kif ser jaħdem dan kollu. Għandhom jiġu evitati bidliet fl-objettivi jew fil-leġiżlazzjoni sabiex ikun possibbli għall-partijiet kollha li jlestu u jwettqu l-miżuri tagħhom bl-ikbar viżjoni u ċertezza possibbli. L-isforzi issa jridu jkunu favur l-implimentazzjoni prattika.

3.5.   Fl-istrateġija ta’ Lisbona mġedda għandu jiġi inkorporat pjan ta’ azzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju. Dan l-għan irid jintlaħaq waqt li jiġu rrispettati t-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli – dak ekonomiku, dak ambjentali u dak soċjali – u mingħajr ma jintesew l-objettivi, tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi.

3.6.   Miżuri xierqa, ippjanati b’attenzjoni u evalwati għar-riżultati l-iktar kosteffettivi u reali, għandhom jiġu integrati fil-politiki strutturali li ser jiġu koperti mil-linji gwida integrati, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u l-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma. Il-Kummissjoni għandha tinforza l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Barra mill-PGD, indikaturi oħrajn jridu jintużaw biex jiġi traċċat l-iżvilupp lejn is-sostenibilità.

3.7.   Il-bidla titmexxa mill-iżvilupp teknoloġiku minn naħa, u bidla fl-attitudni u l-imġiba min-naħa l-oħra. It-tnejn jieħdu ż-żmien biex ikollhom riżultati reali u dejjiema. Kwistjonijiet importanti oħra huma l-investimenti, l-aspetti soċjali u edukattivi u d-dimensjoni internazzjonali.

It-teknoloġija

3.8.   Il-kompetizzjoni teknoloġika globali hija kbira. L-Istati Uniti allokat riżorsi sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jnaqqsu l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. L-istess jista’ jingħad li qed isir f’ekonomiji żviluppati oħrajn, u iktar u iktar f’ekonomiji mdaqqsa li qed jikbru b’rata mgħaġġla.

3.9.   L-Ewropa għandha tkun kapaċi tilħaq il-potenzjal tagħha bħala mexxej ewlieni fil-qasam tat-teknoloġiji “nodfa” għall-enerġija rinovabbli u t-tibdil fil-klima. Dan huwa objettiv urġenti u diffiċli ħafna, peress li, pereżempju, il-Ġappun hija fuq quddiem fil-karozzi ibridi u tal-elettriku, u ċ-Ċina dalwaqt se tgħaddi l-UE fit-teknoloġiji tar-riħ u l-Istati Uniti f’dawk fotovoltajiċi. Prezz fuq id-dijossidu tal-karbonju waħdu ma jistax joffri inċentiv biżżejjed għal bidla teknoloġika.

3.10.   Il-Kummissjoni ppreżentat bosta inizjattivi li jsaħħu t-teknoloġiji nodfa/rinovabbli u tal-klima. Hemm bżonn li jiġu allokati aktar riżorsi għal dan mill-baġit tal-UE.

3.11.   L-iktar teknoloġiji effiċjenti joħorġu biss mid-diversità u minn kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-approċċi, l-innovazzjonijiet u l-metodi varji. Dan ifisser li l-ebda teknoloġija utli, bħall-enerġija mill-fissjoni u l-fużjoni tar-raba’ ġenerazzjoni, m’għandha tiġi abbandunata qabel il-waqt iżda dawn it-teknoloġiji għandhom ikunu żviluppati b’mod rigoruż.

3.12.   Il-potenzjal vast tal-iżvilupp u t-tħaddim ta’ teknoloġiji tal-ICT għandu jiġi sfruttat.

3.13.   Teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli li għadhom wisq ’il bogħod milli jsiru vijabbli ekonomikament m’għandhomx jiddaħħlu fis-suq b’mod prematur bis-saħħa ta’ sussidji li jqumu wisq flus (jew prezzijiet artifiċjali). Minflok, dawn il-flus għandhom jiġu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li huma sostenibbli u li jevitaw l-użu tas- CO2 sakemm dawn isiru vijabbli.

3.14.   Is-sehem tal-UE fl-iffinanzjar tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa żgħir meta mqabbel mar-riżorsi tal-Istati Membri. Bħalissa il-livell tal-isforzi tal-Istati Membri jvarja ħafna. Huwa kruċjali li jiżdiedu r-riżorsi, inkluż mid-dħul tal-irkanti tal-ETS, għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa b’mod partikolari, u li l-massa kritika u l-eċċellenza fil-livell dinji jintlaħqu permezz ta’ kooperazzjoni effiċjenti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu inkorporati b’mod tanġibbli fil-linji gwida u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda.

Investimenti

3.15.   It-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjonijiet jistgħu jintużaw biss permezz tal-investimenti, li jsiru fid-djar, fil-kumpaniji u fis-settur pubbliku. L-investimenti huma neċessarji għall-iżvilupp ekonomiku u l-impjiegi kif ukoll sabiex jintlaħqu l-objettivi għall-klima u l-enerġija.

3.16.   Il-bżonnijiet ta’ investiment fil-produzzjoni tal-enerġija u fl-infrastruttura tat-trasport huma neċessarji u urġenti. Pereżempju, anke jekk id-domanda ma tiżdiedx, fi żmien għaxar snin hemm bżonn ta’ madwar EUR 1 000 biljun sabiex tinbidel il-kapaċità attwali. Netwerks tat-trasport, b’mod partikolari dawk transkonfinali u li jqabbdu l-elettriku rinnovabbli man-netwerks globali jeħtieġu tiġdid sostanzjali. Il-fatt li matul ir-riċessjoni waqfu l-investimenti u l-effetti potenzjali ta’ dan fuq perijodu fit-tul iqajjmu tħassib serju.

3.17.   L-investimenti jeżiġu ċerti kundizzjonijiet ta’ qafas. Dawn jinkludu qafas ekonomiku b’saħħtu, domanda fis-suq u l-aċċess għas-swieq. Il-qafas regolatorju għandu jkun stabbli u prevedibbli u jevita piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq il-kumpaniji. Huma biss kumpaniji li jirrendu li jistgħu jinvestu fl-iżvilupp tat-teknoloġija u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

3.18.   Konsegwentement, qafas ekonomiku kompetittiv huwa prerekwiżit sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-klima u tal-enerġija. U b’approċċ politiku tajjeb, il-politiki tal-klima u l-enerġija jistgħu joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi.

3.19.   Ser jaqa’ piż fuq ir-riżorsi finanzjarji meta l-bżonnijiet ta’ investiment u ta’ riċerka u l-iżvilupp fl-UE jibdew jikkompetu mal-bżonn li jiġu ffinanzjati l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-Istati Membri ser ikollhom dħul mill-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet iżda dan ma jistax ikopri l-bżonnijiet relevanti kollha. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu joqogħdu attenti kif iżidu l-piż fuq l-intrapriżi u jitfgħu f’riskju l-investimenti tagħhom fit-teknoloġiji l-ġodda.

Il-koxjenza u l-imġiba

3.20.   Sabiex jaġixxu u jbiddlu l-imġiba tagħhom, in-nies iridu jkunu konxji tas-sitwazzjoni u ta’ x’għandu jinbidel. Il-koxjenza dwar x’jistgħu jagħmlu n-nies huma nfushom għandha tissaħħaħ u għandha tingħata l-edukazzjoni rilevanti. Dan huwa d-dmir kemm tal-gvernijiet kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Strument tajjeb ikun lista ta’ prattiki tajba mressqa mill-Kummissjoni.

3.21.   Filwaqt li huwa pożittiv li l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra huma msemmija fuq quddiem nett fil-marketing u l-pariri li jingħataw lill-konsumaturi, għandu jiġi kkundannat il-fatt li xi drabi tingħata informazzjoni li tinganna. Dan għandu jitwaqqaf mill-atturi rilevanti.

3.22.   Bir-raġun l-UE tistrieħ ħafna fuq l-istrumenti tas-suq fil-politiki tal-klima tagħha. Il-prezzijiet jistgħu jagħtu sinjal ta’ bidla fl-imġiba kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji. Madankollu, dan waħdu ma jilħaqx il-potenzjal sħiħ tal-bidliet. F’xi każijiet, bħal fis-settur tal-bini, ir-regolamentazzjoni hija meħtieġa, u għal finijiet oħrajn appoġġ pożittiv huwa meħtieġ.

3.23.   Effiċjenza aħjar fl-użu tal-enerġija, is-soltu twassal għall-iffrankar tal-flus. Huma meħtieġa l-inċentivi b’mod partikolari f’dawk il-każijiet fejn il-perijodi ta’ ħlas lura huma relattivament twal, jew meta l-persuna li għandha tħallas ma tibbenefikax. Ftit ilu l-Kumitat ippropona lill-Kummissjoni li tistudja l-fattibilità tal-miri settorjali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b’mod speċjali fis-setturi fejn hemm implikazzjonijiet għas-suq intern.

3.24.   Sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni fis-suq intern tixxekkel, l-UE tapplika regoli komuni obbligatorji fuq l-appoġġ pubbliku.

Aspetti soċjali u edukattivi

3.25.   Ix-xejriet tal-kompetizzjoni ser jinbidlu biż-żmien u konsegwentement ser tinbidel anki l-produzzjoni. Skont studju tal-ETUC u l-SDA (1), l-effett nett fuq l-impjiegi ta’ miżuri favur it-tnaqqis b’40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 huwa kemm kemm pożittiv; dan ir-riżultat u approċċ madankollu huwa meqjus minn oħrajn bħala ottimist wisq (2). L-istudju jikkonkludi li madankollu ser ikun hemm bidliet konsiderevoli fl-istrutturi tal-impjiegi u fl-eżiġenzi tal-ħiliet. Il-bidliet ser ikunu ikbar fi ħdan is-setturi nfushom milli bejniethom. Pereżempju, trasferiment ta’ impjiegi huwa mistenni mill-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-attivitajiet relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew minn impjiegi relatati mat-trasport bit-triq għall-ferroviji u l-passaġġi tal-ilma.

3.26.   Hemm domanda kbira għall-edukazzjoni u t-taħriġ biex il-kumpaniji, is-servizzi tas-settur pubbliku u l-forza tax-xogħol ikunu jistgħu jlaħħqu mal-bidliet. L-edukazzjoni u t-taħriġ inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, kienu s-suġġetti ewlenin ta’ opinjoni preċedenti tal-KESE dwar it-tibdil fil-klima u l-istrateġija ta’ Lisbona.

3.27.   Reċentement, il-Kummissjoni ressqet proposti għat-tisħiħ tat-tbassir tal-ħiliet meħtieġa. Dan huwa essenzjali biex ikunu possibbli reazzjonijiet f’waqthom permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Tbassir aħjar, qbil imtejjeb bejn il-provvista u d-domanda għal ħiliet u miżuri msaħħa favur it-tagħlim tul il-ħajja huma partijiet naturali tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda.

3.28.   Billi kważi kulħadd fis-suq tax-xogħol ser jintlaqat mill-bidliet, l-edukazzjoni għandha tkun disponibbli għal kulħadd sabiex kulħadd ikun jista’ jadatta għall-bidliet fir-rekwiżiti. Għal dawk li għadhom jiffaċċjaw problemi, l-Istati Membri għandhom iżommu netwerks komprensivi tas-sigurtà soċjali.

3.29.   In-nies huma affettwati wkoll mill-bidliet fl-istrutturi tal-prezzijiet li ġejjin mill-politiki tal-enerġija u tal-klima. Huwa meħtieġ monitoraġġ partikularment mill-qrib tal-effetti li jiġu minn bidliet fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet tal-enerġija jinbidlu ħafna minħabba raġunijiet differenti, u wieħed mill-objettivi tal-politiki tal-enerġija tal-UE huwa li dawn il-bidliet jitwaqqfu kemm jista’ jkun.

3.30.   Politiki ambjentali u b’mod partikolari tal-klima jżidu l-prezzijiet tal-enerġija bil-għan li jitnaqqas l-użu tal-enerġija. Il-lat negattiv ta’ dan l-approċċ fil-politika huwa li jnaqqas il-kompetittività tal-industrija Ewropea u joħloq ir-riskju tal-faqar enerġetiku fost iċ-ċittadini. Ir-reazzjoni tat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija meta l-prezzijiet jogħlew is-soltu jeżiġi investimenti f’tagħmir ġdid, u dan jista’ jieħu ż-żmien. Approċċ ibbilanċjat ħafna għall-prezzijiet tal-enerġija, fejn jitqiesu dawn il-perijodi, huwa meħtieġ sabiex jinkisbu riżultati tajbin u sostenibbli minflok ma jinħolqu problemi ekonomiċi u soċjali.

Id-dimensjoni internazzjonali

3.31.   Miżuri biex jitnaqqas l-effett tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa biss ikollhom impatt żgħir għax l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Ewropa jirrappreżentaw 14 % tal-emissjonijiet globali, u s-sehem qed jonqos. Jekk ma jittieħdux azzjonijiet mill-ekonomiji l-kbar kollha, l-emissjonijiet mhux ser jitnaqqsu b’konformità mal-limitu tat-tisħin ta’ 2 °C, u l-Ewropa ser titlef il-kompetittività tagħha u b’hekk tipperikola l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. Għaldaqstant, hija ta’ importanza kruċjali li jintlaħaq ftehim f’Kopenħagen u l-UE għandha tkompli taqdi rwol mexxej fil-qasam.

3.32.   L-objettiv ta’ Kopenħagen għandu jkun, kif il-Kummissjoni stess tistqarr, “ftehim internazzjonali komprensiv u ambizzjuż biżżejjed li jipprovdi għal tnaqqis simili minn pajjiżi żviluppati oħrajn, u għal azzjonijiet xierqa mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.” Element importanti huwa sistema ta’ skambju internazzjonali jew għall-anqas sistemi kompatibbli sabiex niżguraw kemm tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet kif ukoll kundizzjonijiet ugwali fejn tidħol kompetizzjoni.

3.33.   Huwa evidenti li l-pajjiżi l-fqar li qegħdin jiżviluppaw ser jeħtieġu għajnuna ekonomika biex ilaħħqu kemm mat-tnaqqis tal-effetti tal-bidla tal-klima kif ukoll mal-adattament għal dik il-bidla. L-iżvilupp tat-trasferiment tat-teknoloġija u regoli ċari dwar dan, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif huma elementi importanti.

3.34.   Il-ftehim internazzjonali huwa neċessarju wkoll għall-Ewropa biex tkun minn ta’ quddiem fil-qasam ta’ teknoloġiji aħjar tal-klima u tal-enerġija. Jekk dan ma jsirx id-domanda għal dawn it-teknoloġiji ser tkun ħafna inqas.

3.35.   L-UE trid issaħħaħ il-pożizzjoni u l-attività tagħha fil-livell internazzjonali sabiex tiżgura l-provvista tal-enerġija tal-Ewropa. Kuntest usa’ ta’ politika barranija, kif inhi maħsuba mill-UE, għandu jservi ta’ sostenn kbir. Kif stqarr il-KESE f’opinjonijiet preċedenti, l-UE trid ukoll tieħu pożizzjoni mexxejja fl-approċċ globali responsabbli u sostenibbli għall-enerġija.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-istudju fuq it-tibdil fil-klima u l-impjiegi, li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Ambjent, sar minn konsortjum immexxi mill-ETUC (Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ewropej) u l-Aġenzija għall-Iżvilupp Soċjali (SDA), li tinkludi s-Syndex, l-Istitut Wuppertal u l-ISTAS. L-istudju huwa disponibbli fuq http://www.etuc.org/a/3676.

(2)  Hans Werner Sinn, “Das Grüne Paradoxon”, Econ-Verlag, ISBN 978-3-430-20062-2.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/08)

Relatur ġenerali: is-Sur JAHIER

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona) ġiet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda matul l-457 Sessjoni Plenara tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur Jahier bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’177 vot favur, vot wieħed kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-aġenda ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi hija suġġetta għal reviżjoni ewlenija għall-għaxar snin li ġejjin, u din tinkludi diskussjoni dwar id-dimensjoni esterna tagħha.

1.2.   Il-prosperità tal-Ewropa hija dovuta l-iktar għall-fatt li hija miftuħa għall-bqija tad-dinja. Dan għandu vantaġġi ta’ natura ekonomika, iżda wkoll f’termini ta’ skambju ta’ kultura u għarfien, u ta’ rikonoxximent mad-dinja kollha tal-valuri Ewropej. L-UE hija l-ikbar esportatur fid-dinja ta’ prodotti u servizzi, it-tieni l-ikbar sors u t-tieni l-ikbar destinazzjoni ta’ investiment dirett barrani, u l-ikbar donatur ta’ għajnuna fid-dinja. Għanda t-tieni munita ta’ riżerva internazzjonali. Għaldaqstant huwa fl-interess ġeostrateġiku tagħha li tiżviluppa l-aġenda esterna tagħha, li sservi u tipproteġi l-interessi tal-500 miljun abitant tagħha, iżda tirrifletti wkolli ir-responsabbiltà tagħha biex tindirizza problemi globali u tgħin biex jiġu stabbiliti standards għoljin fil-gvernanza tal-globalizzazzjoni.

1.3.   Għal dawn l-aħħar għaxar snin kienet prijorità li jintlaħaq ftehim multilaterali ambizzjuż, ibbilanċjat u ġust għal aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u ftuħ progressiv tas-swieq fi ħdan qafas irregolat. B’mod partikulari, l-inizjattiva tal-2007 “L-Ewropa Globali” kienet marbuta b’mod espliċitu mal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda.

1.4.   L-isfidi li tqajmu minħabba li tfaċċaw poteri globali ġodda u minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali jenfasizzaw b’mod dejjem iktar ċar in-natura ġeopolitika ġdida tal-globalizzazzjoni, u b’riżultat ta’ dan, il-ħtieġa għall-Ewropa li jkollha strateġija esterna globali ġdida, iktar koerenti u effettiva. L-Ewropa teħtieġ viżjoni ġdida tar-rwol globali tagħha, li tirrifletti, min-naħa waħda, ir-realtà ġeostrateġika rigward ir-rwol storiku u ġeografiku tagħha, is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda li għadhom fqar; u min-naħa l-oħra, il-kapaċità tagħha li tindirizza kwistjonijiet globali: is-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-faqar u l-migrazzjoni internazzjonali, billi tiżvilupp l-valuri li ġabu suċċess għall-ekonomija soċjali tas-suq, li qed jiġu studjati b’interess kbir madwar id-dinja.

1.5.   Pjan ta’ Azzjoni tal-UE xieraq għandu jiġi mmirat lejn it-tisħiħ tal-preżenza u r-rwol tal-Ewropa fix-xena ġdida tal-globalizzazzjoni, billi:

jiżviluppa l-politiki esterni tal-UE u l-aspetti esterni tal-politiki l-oħrajn tagħha skont loġika strutturali li ssaħħaħ il-koerenza ġenerali tagħhom u żżid l-unità li biha jaġixxu l-Istati Membri;

jiżgura ftuħ ibbilanċjat tas-swieq permezz tal-konklużjoni taċ-ċiklu ta’ Doha u djalogu strutturat mal-imsieħba ewlenin tagħha;

jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala poter regolatorju internazzjonali u jsegwi politika internazzjonali msejsa fuq il-promozzjoni tad-drittijiet;

jsaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-euro;

jadotta l-objettiv tal-bini ta’ żona wiesgħa ta’ żvilupp speċjali u tkabbir ekonomiku, li nistgħu nsejħu “EurAfrica: alleanza għal progress reċiproku”, li tinvolvi l-kompletar malajr tat-tkabbir tal-Unjoni, il-Politika tal-Viċinat, l-Unjoni tal-Mediterran, u sħubija iktar b’saħħitha mal-Afrika.

1.6.   Il-profil u l-koerenza ta’ dan il-Pjan ta’ azzjoni tal-UE għandhom jiġu msaħħa, jekk jiżviluppa b’mod progressive f’ambitu iktar wiesa’ ta’ politika barranija, kif qed tistenni l-Unjoni.

1.7.   Sabiex ikun jista’ jsir żvilupp aħjar tal-kunsens politiku wiesa’ u sabiex dan jiġi żgurat dwar proġett daqstant ambizzjuż u assertiv għall-aġenda esterna tagħha, l-UE teħtieġ li r-rwol tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata jissaħħaħ b’mod sinifikanti, kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-pajjiżi terzi.

1.8.   Il-KESE huwa mgħammar sew biex jaqdi rwol dejjem iktar sinifikanti fil-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi parteċipattivi għall-monirotaġġ u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili kważi kullimkien fid-dinja. Barra minn hekk, dan l-aspett huwa karatteristiku tal-mudell tas-soċjetà Ewropew, li huwa rrispettat ħafna madwar id-dinja.

2.   Daħla

2.1.   L-Ewropa issa hija l-ikbar poter ekonomiku fid-dinja, suq integrat ta’ 500 miljun abitant, potertal-kummerċ mingħajr paragun, u bl-euro, it-tieni munita dinjija. Għall-UE, il-ħolqien ta’ sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ fis-sistema ta’ relazzjonijiet internazzjonali ma jfissirx biss li jittieħdu r-responsabbiltajiet li jinħolqu minn dan il-piż, iżda wkoll l-iżvilupp tal-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi esterni tagħha, billi dawn huma vitali għas-suċċess tal-mudell tagħha, li huwa l-iktar wieħed miftuħ fid-dinja u dak bl-ogħla standards soċjali u ambjentali.

2.2.   Għaldaqstant, biex tiżgura t-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi ta’ kwalità għolja u l-iżvilupp sostenibbli, li huma l-objettivi tal-istrateġija ta’ Lisbona, huwa dejjem iktar neċessarju li l-UE ssaħħaħ l-aġenda esterna tagħha.

2.3.   Wara l-Aġenda ta’ Lisbona tal-2000 u r-reviżjoni tagħha fl-2005, kien biss fl-2007 li ġiet introdotta l-kwistjoni tad-dimensjoni esterna. Il-Konklużjonijiet mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008 jiddikjaraw li “L-UE għandha għalhekk tkompli bl-isforzi tagħha biex tfassal il-globalizzazzjoni billi tirrinforza d-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda” (1).

2.4.   Dawk il-konklużjonijiet enfasizzaw dawn l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

il-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u politika miftuħa u li l-UE tkompli tmexxi f’dan il-qasam;

it-titjib tas-sistema multilaterali tal-kummerċ, billi jkompli jsiru l-isforzi favur ftehim ambizzjuż, ibbilanċjat u komprensiv fiċ-Ċiklu tal-Iżvilupp ta’ Doha;

il-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali ambizzjużi ma’ msieħba kummerċjali importanti, u t-tisħiħ ulterjuri tal-isforzi għall-integrazzjoni ma’ pajjiżi fil-viċinat u pajjiżi kandidati permezz tal-iżvilupp ta’ żona ekonomika komuni;

l-iżgurar ta’ aċċess affidabbli għall-enerġija u għall-materja prima strateġika;

it-tisħiħ ta’ relazzjonijiet ekonomiċi attwali u l-iżvilupp ta’ sħubijiet strateġiċi ta’ benefiċċju reċiproku ma’ poteri ekonomiċi emerġenti f’kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta;

it-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni regolatorja, il-konverġenza tal-istandards and l-ekwivalenza tar-regoli, u t-titjib tal-effettività tas-sistema ta’ infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali kontra l-falsifikar.

2.5.   Dawn il-punti li ġejjin ħarġu mid-dibattitu reċenti dwar l-istrumenti għall-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea (2):

approċċ iktar wiesa’ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, li jgħaqqad flimkien il-politiki tal-PESK, tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni waqt li l-profil estern tal-politiki interni tal-Unjoni jingħataw iktar attenzjoni (3);

ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi Ewropej ta’ kooperazzjoni u żvilupp, ibbażati fuq il-“Kunsens Ewropew” (4) on fuq is-sħubija UE-Afrika li tnediet f’Novembru 2007 (5);

approċċ ġdid għall-politika tal-kummerċ, li jenfasizza, fost affarijiet oħra, il-valur tan-negozjati bilaterali u reġjonali.

3.   Dimensjoni esterna li diġà teżisti …

3.1.   It-tiftixa għal ftehim multilaterali ambizzjuż, ibbilanċjat u ġust għal iktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-ftuħ progressiv tas-swieq sabiex jitwessgħu l-oqsma fejn l-intrapriżi Ewropej jistgħu jikkompetu, biex b’hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-iżvilupp, kienu l-prijorità tul dawn l-aħħar għaxar snin.

3.2.   Id-WTO ġiet identifikata bħala attur ewlieni fl-espansjoni tal-kummerċ fi ħdan sistema regolata u qafas multilaterali. L-aġenda tal-iżvilupp ta’ Doha kienet prijorità ewlenija għall-Kummissjoni.

3.3.   Id-diffikultajiet tan-negozjati ta’ Doha, u b’mod partikulari il-waqfien tagħhom minħabba nuqqas ta’ qbil f’Lulju 2006, ġagħlu lill-UE tagħmel reviżjoni sostanzjali. F’April 2007 l-Kunsill approva l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija – Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (6).

3.4.   L-istrateġija proposta, li hija marbuta mal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda tal-2005, tafferma mill-ġdid u ssaħħaħ l-objettiv ġenerali ta’ politika tal-kummerċ esterna dejjem iktar globali u integrata, mmirata kemm lejn li tiġbed investiment u sħubijiet ġodda, kif ukoll li tiżgura swieq dejjem iktar mifutħin madwar id-dinja. Flimkien mal-istrument ewlieni tradizzjonali ta’ negozjati multilaterali, tipproponi ġenerazzjoni ġdida ta’ ftehimiet bilaterali u reġjonali (7), sabiex tkompli bl-objettiv tagħha li telimina l-ostakoli mhux tariffarji u regolatorji, u ta’ konverġenza regolatorja sinifikanti.

3.5.   F’komunikazzjoni f’Diċembru 2008 dwar id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona (8), il-Kummissjoni nediet mill-ġdid l-għan li jiġu konklużi negozjati multilaterali tal-kummerċ, li tippromovi l-kooperazzjoni regolatorja u s-sħubija għall-aċċess tas-swieq.

3.6.   Il-KESE ħareġ żewġ opinjonijiet dwar din il-kwistjoni (9), fejn enfasizza:

il-konklużjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha tibqa’ prijorità strateġika, u fil-kuntest ta’ dan ftehimiet bilaterali jistgħu jipprovdu valur miżjud;

il-ħtieġa li tingħata iktar attenzjoni għall-impatti tal-ftuħ tas-swieq għal xi reġjuni u ħaddiema, u għaldaqstant biex issir iktar enfasi fuq il-ġustizzja soċjali u l-promozzjoni ta’ impjiegi diċenti;

l-inklużjoni, ukoll fil-ftehimiet bilaterali, ta’ aspetti oħrajn li kulma jmur qed isiru iktar importanti fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, bħal dawk relatati mal-ambjent, l-enerġija, il-kultura, il-migrazzjoni u l-gvernanza globali.

4.   … iżda li għadha ’l bogħod milli tkun biżżejjed

4.1.   Sfidi ġodda

4.1.1.   L-UE qed tiffaċċja sfidi ġodda:

kompetizzjoni iktar qawwija minn pajjiżi emerġenti u, fost dawn, it-tkabbir tal-poteri dinjija fl-Asja;

it-tibdil fil-klima u l-enerġija;

l-impatt fuq l-UE u l-ġirien tagħha mit-tkabbir għal 27 membru;

ir-ritorn tal-kriżi tal-ikel;

l-għarfien dwar in-natura dejjem iktar ġeopolitika tal-globalizzazzjoni, li issa jidher ċar li estendiet lil hinn mid-dimensjoni ekonomika biss;

u fl-aħħar nett, l-isplużjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali.

4.1.2.   Dawn l-isfidi jenfasizzaw il-ħtieġa għal strateġija ekonomika esterna iktar koerenti u effettiva sabiex titnaqqas il-firda li qed tikber bejn is-saħħa ekonomika tal-Unjoni Ewropea u l-influwenza tagħha, li għadha dgħajfa wisq, fuq il-proċessi kumplessi u li jinsabu kullimkien tal-globalizzazzjoni. Fl-istess waqt, l-UE trid tħares l-interessi tagħha u l-ispazju fejn tafferma l-valuri tagħha.

4.1.3.   Il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija bla dubju ser jinħassu għal ħafna żmien wara l-2010. L-importanza tal-kwistjoni internazzjonali u l-mezzi kif titwassal l-għajnuna sabiex din titmexxa kif xieraq ser ikunu essenzjali għal kull strateġija futura dwar it-tkabbir u l-impjiegi fi kwalunkwe reġjun fid-dinja. Il-mod kif kull reġjun jippożizzjona ruħu f’dan il-proċess ser ikun importanti għall-ġejjieni ta’ kull reġjun u tad-dinja. Dan japplika b’mod speċjali għall-Ewropa, peress li hija ż-żona ekonomika l-iktar miftuħa fid-dinja u b’hekk iktar dipendenti minn oħrajn fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni.

4.1.4.   Il-kriżi attwali qerdet għal dejjem il-kredibilità tal-ipoteżi tal-qsim internazzjonali tax-xogħol, li assumiet li l-produzzjoni u l-manifattura bażika u l-kompetizzjoni msejsa fuq il-prezz ser jitħallew f’idejn il-pajjiżi ewlenin minn dawk emerġenti, biex b’hekk l-attivitajiet ta’ valur miżjud għoli msejsa l-iktar fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u x-xogħol speċjalizzat ikun f’idejn il-pajjiżi Ewropej u pajjiżi żviluppati ewlenin oħra.

4.1.5.   Fenomeni ekonomiċi reċenti fil-grupp ta’ pajjiżi BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), bħal żieda fin-numru ta’ privattivi, l-ammont ta’ investiment barrani dirett (IBD) mill-Ewropa, u ż-żieda fl-IBD lejn l-UE minn pajjiżi emerġenti, u l-istabbiliment ta’ fondi sovrani, kollha kemm huma minn pajjiżi mhux fl-OECD, huma sinjali ta’ bidliet rapidi fl-istruttura tal-ekonomija globali. L-Ewropa trid tirreaġixxi b’mod xieraq għal dawn l-aspetti.

4.1.6.   L-iżvilupp reċenti f’partijiet oħra tad-dinja ta’ pjattaformi li huma ffokati wkoll fuq strateġiji għall-innovazzjoni u l-għarfien, jgħidilna wkoll li t-triq li toħroġna mill-kriżi ekonomika tista’ twassal għal xenarju futur iktar kumpless ibbażat fuq blokok reġjonali integrati ħafna u iktar kompetittivi, u fi ħdan kull wieħed minnhom jinħolqu forom ġodda ta’ qsim tax-xogħol u żbilanċ ekonomiku u soċjali.

4.2.   Sfidi innovattiva u ambizzjuża

4.2.1.   F’diversi okkażjonijiet l-UE wriet, b’mod paċifiku u b’kunsens innegozjat, il-kapaċità tagħha li tkun influwenti fix-xena internazzjonali u tinkludi atturi dejjem iktar diversi, u f’xi waqtiet irnexxielha tagħti kontribut deċiżiv lill-benesseri ta’ partijiet sinifikanti tad-dinja (pereżempju tletin sena ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-AKP jew il-politika ta’ tkabbir tal-UE).

4.2.2.   L-UE għenet ukoll biex tibni qafas komprensiv ħafna ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni reġjonali, settorjali u ġenerali. Dan ġara fil-passat fil-kuntest ta’ negozjati tad-WTO u qed jiġri llum bil-proċess ġdid G8/14 u G20 immirat lejn it-twaqqif ta’ qafas iktar strett ta’ regoli u strumenti għall-qasam finanzjarju internazzjonali, inkluż ir-rwol tal-IMF u tal-Bank Dinji.

4.2.3.   Il-kuntest tad-dibattitu dwar id-dimensjoni esterna, li inizjalment kien relatat biss mal-politika tal-kummerċ u wara mal-isfidi tal-enerġija u tal-klima, issa qed jitwessa’ għal oqsma dejjem iktar usa’, bħall-politika tal-migrazzjoni u d-dimensjoni tal-globalizzazzjoni tal-qasam soċjali (fond ta’ aġġustament u standards fundamentali tax-xogħol), ambjentali (Kyoto, kif ukoll l-ekonomija sostenibbli), industrijali (proprjetà intellettwali u fondi sovrani), politiku (politika tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE) u diplomatiku. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll ir-rwol tal-euro u l-impatt tal-PESK u l-ESDP fuq il-mod kif qed jikber ir-rwol internazzjonali tal-UE, kif ukoll l-inklużjoni possibbli fi ħdan l-strateġija ta’ sigurtà Ewropea tal-kwistjoni tal-prodotti u l-interessi li huma strateġiċi għall-Ewropa, kif diġà jagħmlu poteri ekonomiċi globali oħrajn.

4.2.4.   Jidher ċar ħafna minn dan li l-inklużjoni ta’ dawn id-dimensjonijiet kollha fl-istrateġija ta’ Lisbona toħloq distorsjonijiet fiha.

4.2.5.   Madankollu, dawn l-aspetti jidhru dejjem iktar kruċjali biex jiżguraw li l-objettiv li għalih inħolqot l-istrateġija, jiġifieri l-iżvilupp tar-risposta tal-Ewropa għall-globalizzazzjoni, jintlaħaq bis-sħiħ.

4.2.6.   Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-politiki esterni tal-UE essenzjalment huma msejsa fuq prattiki stabbiliti sew ibbażati fuq livell għoli ta’ integrazzjoni tal-UE– kemm politiki tal-UE kif ukoll politiki li jsir qbil konġunt fuqhom mill-UE u l-Istati Membri. Aktarx, dawk il-politiki għadhom mhux ikkoordinati biżżejjed jew għandhom nuqqas ta’ viżjoni strateġika ġenerali, iżda xorta għadhom kapaċi jevolvu u jkollhom impatt sinifikanti, għall-inqas ħafna iktar minn dak li jkollhom Stati Membri individwali jew ħafna politiki domestiċi oħrajn fl-UE.

4.3.   Lejn strateġija esterna mġedda għall-Unjoni Ewropea

4.3.1.   F’dan il-każ, jista’ jkun possibbli li nitkellmu dwar dimensjoni esterna tal-istrateġija tal-globalizzazzjoni wara l-2010 tal-Ewropa, ikkoordinata u integrata mill-qrib mad-dimensjoni iktar interna rappreżentata mill-evoluzzjoni tal-istrateġija ta’ Lisbona attwali għat-tkabbir u l-impjiegi, iżda riveduta u mġedda f’termini tal-awtonomija tagħha u b’objettiv strateġiku ġdid u iktar urġenti  (10).

4.3.2.   L-Ewropa teħtieġ viżjoni ġdida tar-rwol globali tagħha u Pjan ta’ Azzjoni xieraq immirati lejn l-isfidi tas-seklu wieħed u għoxrin, imsejsa fuq il-valuri stess tal-UE, u b’mod li jistgħu jiġu kkommunikati u mifhuma mill-pubbliku u l-partijiet interessati Ewropej, diskussi mal-kontropartijiet globali ewlenin tal-UE u rappreżentati fil-fora internazzjonali.

4.3.3.   Din il-viżjoni għandha tkun immirata lejn il-progress u impjiegi diċenti, u msejsa fuq żvilupp sostenibbli kapaċi jippromwovi soċjetà inklużiva, ekonomija miftuħa u relazzjonijiet paċifiċi. Għandha tadotta wkoll perspettiva globali fit-tul. L-UE trid tirrifletti aħjar ir-realtà ġeostrateġika fir-rigward tar-rwol storiku u ġeografiku tagħha stess, is-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima u tal-enerġija  (11) , u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda li għadhom fqar.

4.3.4.   Kontribuzzjoni importanti għall-iżvilupp ta’ din il-viżjoni ħarġet ukoll mid-dokument qasir imma effettiv imfassal mill-Kummissjoni għas-summit ta’ Hampton Court f’Ottubru 2007, intitolat “L-Interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni (12). Il-KESE esprima fehma simili fl-istess sena (13).

4.3.5.   L-istrateġija ta’ Lisbona riveduta u mġedda għal wara l-2010 għandha tkun akkumpanjata minn struttura politika ġdida u iktar strateġika għall-azzjoni esterna tal-UE, immirata lejn it-tisħiħ tal-preżenza u r-rwol tal-Ewropa fix-xena dinija ġdida tal-globalizzazzjoni.

4.3.6.   Għal dan il-għan, biex jissaħħaħ u jikkomplimenta l-ideat imfissra fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għal Marzu 2008, jeħtieġ li jiġi żviluppat Pjan ta’ Azzjoni ddettaljat, li jkun fih erba’ livelli koerenti u sinerġetiku, sabiex:

jiġi żgurat li s-swieq jinfetħu b’mod ibbilanċjat u li l-kummerċ internazzjonali fi prodotti u servizzi jkompli jiġi żviluppat waqt li jiġi ssalvagwardjat l-aċċess fit-tul tal-Ewropa għar-riżorsi li huma strateġiċi għall-ħtiġijiet tagħha;

jissaħħaħ id-djalogu ekonomiku mal-imsieħba ewlenin kollha, fil-kuntest ta’ approċċ multilaterali, u jitkompla jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro;

l-UE tiġi ppreżentata bħala poter regolatorju internazzjonali, li jippromwovi standards ogħla fl-oqsma industrijali, ambjentali u soċjali, u fir-rigward ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, l-akkwist pubbliku u l-proprjetà intellettwali, u li jgħin biex jitfasslu regoli għas-swieq finanzjarji u l-gvernanza tal-ekonomija internazzjonali, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll multilaterali;

jiġu mnedija mill-ġdid it-tliet politiki ta’ żvilupp esterni tal-UE, jiġifieri l-kompletar tat-tkabbir, il-politika tal-viċinat u l-Unjoni għall-Mediterran, u s-sħubija ġdida mal-Afrika fi ħdan il-qafas tal-AKP, biex b’hekk tiġi żviluppata żona wiesgħa ta’ żvilupp speċjali mmirata lejn it-tkabbir ekonomiku li diġà qed tissejjaħ Eur-Afrika  (14) , fejn l-UE tkun tista’ taqdi rwol ġeostrateġiku ta’ tmexxija.

4.3.7.   Il-piż li jingħata lid-dimensjoni esterna se juri li l-UE tipproponi li tidħol f’fażi politika ġdida tal-proċess ta’ unifikazzjoni tagħha, li hija ffokata fuq l-iżvilupp tas-sistema tagħha ta’ relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja, u minn din tikseb l-enerġija mġedda u r-riżorsi sabiex tiżgura l-aqwa kompletar possibbli tal-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali tas-suq, u b’hekk tiżgura l-paċi u l-progress fil-ġejjieni għall-popolazzjoni tagħha. Dan ikun tip ta’ konsolidazzjoni tal-prinċipji fundaturi tal-Unjoni Ewropea fejn, mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman sal-preambolu tat-Trattat ta’ Ruma, iż-żewġ aspetti (intern u estern) tal-proġett Ewropew kienu marbutin b’mod intrinsiku u jinfluwenzaw lil xulxin.

5.   Xi proposti speċifiċi oħrajn

5.1.   Iktar politiki ġenerali konsistenti u proattivi

L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea mmirata lejn ir-riforma tas-sistema multilaterali u t-titjib tar-regoli bażiċi tal-globalizzazzjoni titlob li jkun hemm proċess fuq żewġ binarji għall-iżgurar tal-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u koordinazzjoni ħafna iktar b’saħħitha mal-Istati Membri.

Il-promozzjoni tar-regolamentazzjoni soċjali, in-negozjati bejn l-imsieħba soċjali u sistemi universali ta’ protezzjoni soċjali għandhom ikunu pjattaforma ċentra tal-politiki ta’ żvilupp u tal-mandati ta’ negozjar tal-Unjoni Ewropea.

L-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu fost il-prijoritajiet tagħhom l-iżvilupp tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, standards ta’ xogħol fundamentali, l-iżvilupp tal-ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġjati (persuni b’diżabilitajiet, minoritajiet etniċi, eċċ.).

L-Unjoni Ewropea għandha dmir li żżomm mal-wegħdiet tagħha. Dan jgħodd b’mod speċjali fir-rigward tal-objettiv ta’ 0,7 % tal-PGD għal għajnuna għall-iżvilupp u għall-impenn li ta’ spiss jiġi mistqarr li r-riżultati u l-mezzi tal-progress tal-UE jintużaw biex jiksbu benefiċċju minnhom pajjiżi u reġjuni oħrajn. Ser ikun importanti ħafna impenn speċifiku biex tingħata ħajja ġdida lis-sħubija bejn l-Afrika u l-UE.

Żjieda sinifikanti fir-riżorsi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u investiment lejhom, bħala parti mill-ftehim futur ta’ Kopenħagen f’Diċembru 2009, tista’ tipprovdi opportunità kbira għal żvilupp u progress reċiproku. L-istrateġija ġdida ta’ Lisbona b’hekk tista’ tipprovdi l-qafas għal deċiżjonijiet fir-riċerka, l-innovazzjoni, l-investiment u l-għarfien li jibbenfikaw “tkabbir ekoloġikuġdid fuq skala globali.

Huwa meħtieġ livell ogħla ta’ monitoraġġ u trasparenza fin-negozjati dwar il-kummerċ, kif ukoll involviment ikbar tas-soċjetà ċivili f’din is-sistema ta’ relazzjonijiet u negozjati esterni.

L-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali u tkompli tkun ta’ xempju ewlieni għall-partijiet l-oħra. Ir-reġjuni makro huma realtà li qed tiġi estiża u approfondita. L-Ewropa tista’ u trid ukoll taqdi rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni intrareġjonali, li, flimkien mal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, għandha tinkludi l-kooperazzjoni tal-iżvilupp, id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni kulturali.

Fid-dawl tal-isfidi tas-sigurtà tal-ikel, u bil-għan li jintlaħaq kompletament id-dritt fundamentali għal ikel san, sikur, suffiċjenti u sostenibbli (15), il-mandati attwali ta’ negozjar għandhom jiġu riveduti sabiex tiġi rikonoxxuta n-natura speċjali tal-prodott agrikolu u ssir dispożizzjoni għal miżuri xierqa għas-salvagwardja tad-differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni u fis-swieq differenti. Il-ftehimiet kummerċjali ewlenin dwar prodotti oħrajn imbagħad ikunu jistgħu jingħataw spinta ġdida, ibda biex l-FSE.

Fid-dawl tal-kriterju tal-“potenzjal kummerċjali”, li jorbot ir-rata tat-tkabbir ta’ kull żona mad-daqs tas-suq tagħha, ikun utli li flimkien ma’ ftehimiet reġjonali ma’ pajjiżi tal-AKP, jiġu żviluppati u mnedija mill-ġdid ftehimiet bilaterali u reġjonali mal-ASEAN (L-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja), il-Korea, l-Indja, ir-Russja, il-Mercosur u l-pajjiżi tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC).

Iċ-Ċina għandha tkun prijorità speċifika, l-ewwel nett minħabba l-interessi offensivi u difensivi sinifikanti li l-UE għandha hemmhekk, li jagħtu spazju konsiderevoli għal negozjar, it-tieni għat-tkabbir sod fl-interazzjoni reċiproka, u t-tielet għal raġunijiet ġeopolitiċi ġenerali.

Għandha ssir iktar enfasi fuq relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Kanada, li huma fl-ewwel, it-tielet u t-tmien post rispettivament f’termini ta’ potenzjal kummerċjali. Il-qafas għal relazzjonijiet transatlantiċi għandu jitnieda mill-ġdid bil-għan li jitnaqqsu l-oqsma ta’ nuqqas ta’ qbil u jiġu massimizzati s-sinerġiji permezz ta’ konverġenza progressiva tal-istituzzjonijiet u l-politiki (16).

Minħabba l-espansjoni possibbli taż-żona tal-EMU fis-snin li ġejjin, l-euro tista’ tispiċċa taqdi rwol iktar importanti bħala munita ta’ referenza globali b’saħħitha, li inevitabbilment se tesiġi t-tisħiħ tal-arranġamenti għal rappreżentazzjoni unifikata fil-fora ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali.

5.2.   Aktar strumenti għal gvernanza u għal politiki settorjali

Fil-kuntest ta’ approċċ usa’ lejn l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi inkluża d-dimensjoni esterna ta’ politiki bħal dawk għar-riċerka, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-impjiegi.

Fil-kuntest attwali, għandu jkun possibbli li jiġi identifikat b’mod iktar ċar grupp żgħir ta’ Kummissarji Ewropej b’responsabbiltà ċara għat-tmexxija tal-politiki esterni kollha tal-UE (kummerċ, żvilupp, migrazzjoni, aspetti esterni tal-kompetizzjoni u tal-politika tas-suq intern, id-diplomazija tal-enerġija, eċċ.) li jkun jista’ jirrappreżenta l-UE fid-dinja ta’ barra u fil-fora internazzjonali ewlenin b’mod iktar unifikat u kollettiv. Id-dħul fis-seħħ mgħaġġel tat-Trattat ta’ Lisbona u r-rwol il-ġdid tar-Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u s-sigurtà ser jgħinu biex isiru żviluppi pożittivi fil-ġejjieni.

Waqt li jistennew li l-prospett ta’ rappreżentazzjoni unifikata tal-UE fl-istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin (Bretton Woods, G8/14 u G20) issir realtà, l-Istati Membri tal-UE jmisshom jifformaw gruppi iktar influwenti f’kull istituzzjoni jew summit ta’ livell għoli, bil-għan li ssir koordinazzjoni sistematika tal-pożizzjonijiet tagħhom u jitkellmu kulfejn huwa possibbli b’vuċi waħda.

L-UE għandha ħtieġa urġenti li tkun rappreżentata barra mill-fruntieri tagħha permezz ta’ missjonijiet tal-kummerċ komuni li jkunu jistgħu jsaħħu l-preżenza strateġika tal-Ewropa, b’mod partikulari fil-każ tar-relazzjonijiet mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE.

L-UE għandha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji tagħha, b’mod partikulari fir-rigward tal-kapaċità tagħhom biex jistabbilixxu lilhom infushom fi u jadattaw għal kuntesti u d-dinamika ta’ swieq differenti.

L-UE għandha timbotta lid-WTO biex tinkludi fost l-objettivi tagħha d-drittijiet tax-xogħol, l-iżvilupp industrijali, il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti u d-dimensjoni ambjentali. B’mod simili, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għandhom jipprijoritizzaw il-promozzjoni ta’ impjiegi deċenti u l-iżvilupp sostenibbli.

Kumpaniji multinazzjonali bbażati l-Ewropa għandhom jitħeġġu jippromwovu, skont l-idea Ewropea tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-djalogu soċjali fin-negozji u s-setturi tal-pajjiżi terzi varji fejn joperaw. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-prattiki tajbin li diġà huma fis-seħħ f’ħafna intrapriżi Ewropej fuq il-bażi tal-linji gwida adottati mill-OECD, li min-naħa tagħha huma bbażati fuq l-istandards soċjali tal-ILO, u għall-inizjattivi l-oħra kollha meħuda minn firxa usa’ ta’ atturi mhux statali u tal-ekonomija soċjali fil-qasam tat-taħriġ, is-saħħa u l-promozzjoni ta’ kundizzjoni tal-għajxien u tax-xogħol aħjar.

L-UE għandha tfassal politiki ta’ migrazzjoni proattivi u olistiċi li jiffaċilitaw il-kożvilupp bejn il-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti u l-pajjiżi li jospitawhom, b’referenza partikulari għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-“brain drain” u għar-rimessi tal-migranti, li issa jirrappreżentaw flussi finanzjarji sinifikanti (17).

Ir-rwol li qed jikber tal-fondi sovrani fl-ekonomija dinjija u l-piż sinifikanti tal-gvernijiet fl-ekonomiji emerġenti li minnhom dawn il-fondi joriġinaw bla dubju jirrappreżentaw opportunità ewlenija għall-ekonomiji żviluppati ewlenin kif ukoll għall-irkupru tal-ekonomija internazzjonali, iżda wkoll riskju ġeopolitiku f’termini tat-telfien tas-sovranità fuq setturi u teknoloġiji li huma strateġiċi għall-UE. L-UE trid tasal għal pożizzjoni kkoordinata dwar din il-kwistjoni, ibbażata fuq ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet tat-Trattati li diġà jeżistu, iżda wkoll pożizzjoni komuni iktar preċiża dwar il-kwistjoni tal-ħarsien tal-interess nazzjonali, li dejjem iktar teħtieġ li tiġi mifhuma bħala l-“interess Ewropew”.

Għandu jingħata rikonoxximent lill-kompetenzi speċifiċi tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija fil-kuntest tas-sħubijiet varji, b’mod partikulari fir-rigward tal-estensjoni possibbli għal pajjiżi mhux Ewropej tal-kooperazzjoni taħt l-iskema “Komunitajiet tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni” (netwerks ta’ eċċellenza fost istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, istituti tar-riċerka, intrapriżi u partijiet interessati oħrajn).

5.3.   Iktar parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

Għandu jsir minn kollox sabiex is-soċjetà ċivili Ewropea tingħata l-għajnuna biex tfittex u toħloq strateġiji komuni sabiex tiffaċċja l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni, f’diskussjonijiet mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali ewlenin tal-UE. Għarfien ikbar tal-KES nazzjonali u istituzzjonijiet simili u tal-organizzazzjonijiet u netwerks Ewropej ewlenin tal-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata u l-ekonomija soċjali, jista’ jikkontribwixxi għal proċess usa’ ta’ sjieda u promozzjoni tal-aqwa prattika.

L-UE għandha tħeġġeġ parteċipazzjoni ikbar tal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u iktar djalogu magħhom f’pajjiżi terzi, sabiex tissaħħaħ il-viżibilità u l-konsistenza tal-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, l-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni inġenerali. B’mod partikulari, sistemi għandhom jiġu stabbiliti għal djalogu kontinwu u sstrutturat mal-organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-integrazzjoni reġjonali u dinjija, u l-promozzjoni tal-għarfien tal-korpi konsultattivi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ kummerċ u ta’ assoċjazzjoni.

Il-Grupp ta’ Kuntatt tas-Soċjetà Ċivili li twaqqaf b’suċċess xi snin ilu mid-DĠ Kummerċ huwa xempju ta’ prattika tajba li għandu jiġi mħeġġeġ.

Il-KESE bniet progressivament sistema strutturata ta’ relazzjonijiet  (18) li tifforma bażi importanti, fil-kuntest tad-djalogu istituzzjonali, għall-iżvilupp kontinwu ta’ rwol attiv għas-soċjetà ċivili kważi kullimkien fid-dinja. Fil-qasam tal-monitoraġġ, il-Kumitat jemmen li jista’ jaqdi rwol attiv, kif diġà qed jagħmel f’xi każijiet speċifiċi, bħar-rwol istituzzjonali li hemm dispożizzjoni għalih fil-Ftehim ta’ Cotonou mal-pajjiżi tal-AKP, il-Kumitati Konġunti Konsultattivi li jinvolvu pajjiżi varji li huma fil-proċess li jissieħbu mal-UE, u x-xogħol li qed isir mal-Euromed u l-Mercosur. Id-dokumenti, l-opinjonijiet u d-dikjarazzjonijiet finali li jirriżultaw kull sena mil-laqgħat numerużi organizzati mill-KESE taħt din is-sistema jirrappreżentaw sors importanti ta’ analiżi u proposti għal demokrazija parteċipattiva li jkopri l-firxa sħiħa ta’ relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea.

Il-KESE jista’ jipprovdi wkoll workshops speċifiċi jew laqgħat regolari oħrajn sabiex permezz tagħhom jiġu kkonsultati l-gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati, permezz ta’ roundtables li diġà jeżistu u laqgħat varji oħrajn, fejn dan ikun xieraq. L-għan ikun biex jitqabblu l-istrateġiji differenti adottati f’kull żona u reġjun tad-dinja, li jkun ta’ għajnuna kemm sabiex issir definizzjoni aħjar tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-iżvilupp futur tal-istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, kif ukoll għall-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ kull imsieħeb.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Punt 12 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza (13-14 ta’ Marzu 2008).

(2)  Maria João Rodrigues: Europe, Globalisation and the Lisbon Agenda. Institute for Strategic and International Studies, 2009.

(3)  COM(2006) 278 finali u COM(2007) 581 finali.

(4)  COM(2005) 311 finali.

(5)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148.

(6)  COM(2006) 567 finali.

(7)  Diġà kienet saret dispożizzjoni għal dawn fil-Ftehim ta’ Cotonou mal-pajjiżi tal-AKP, li ppropona l-konklużjoni ta’ sitt Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) fil-livell reġjonali.

(8)  COM(2008) 874 finali.

(9)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 57 u ĠU C 211, 19.8.2008, p. 82.

(10)  Ara l-konklużjonijiet tal-grupp, ikkoordinat minn Laurent Cohen Tanugi, li fassal rapport preparatorju ddettaljat għall-presidenza Franċiża fit-tieni sitt xhur tal-2008 (www.euromonde2015.eu).

(11)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 82; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 92; u l-opinjoni tal-KESE dwar l-Enerġija u t-tibdil fil-klima bħala parti integrali tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda (ara paġna 36 tal-edizzjoni attwali tal-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  COM(2007) 581 finali..

(13)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 57.

(14)  Riċentement, A. Riccardi, rebbieħ tal-premju Charlemagne, Aachen, 21 ta’ Mejju 2009

(15)  Ara r-rapport tar-relatur speċjali tan-NU dwar id-dritt tal-ikel, Olivier De Schutter: “Iċ-ċiklu ta’ Doha mhux se jwaqqaf kriżi tal-ikel oħra”, 9 ta’ Marzu 2009.

(16)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 32.

(17)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82 u ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(18)  Ara l-programm ta’ ħidma tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni tal-KESE, http://eesc.europa.eu/sections/rex/index_en.asp.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “l-Universitajiet għall-Ewropa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/09)

Relatur Ġenerali: is-Sur VAN IERSEL

Nhar il-5 ta’ Marzu 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

l-Universitajiet għall-Ewropa.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (l-Osservatorju tal-Istrateġija ta’ Lisbona) ingħatat struzzjonijiet sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba n-natura tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur Osborn bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’158 vot favur, 8 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Fil-fehma tal-KESE, l-universitajiet jaqdu rwol essenzjali fit-trijangolu tal-għarfien: l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni. Dawn għandhom jitqiesu bħala l-muftieħ għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli fl-Ewropa. Fis-sistema attwali, li mhix tal-aħjar livell, il-potenzjal kbir tal-universitajiet mhux żviluppat biżżejjed. It-titjib għandu jingħata importanza fl-Istrateġija ta’ Lisbona ta’ wara l-2010.

1.2.   Mill-Konferenza ta’ Bolonja tal-1999 ’l hawn, u iktar tard l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-universitajiet ingħataw prijorità dejjem ikbar fil-livell tal-UE. Għalkemm twaqqfu miri ġodda mill-Istati Membri u l-universitajiet, hemm sens ta’ skumdità dejjem jikber fost l-akkademiċi u fis-soċjetà dwar il-frammentazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa u dwar il-ħeffa tar-riformi neċessarji.

1.3.   Hekk kif l-iżviluppi ekonomiċi, teknoloġiċi u edukattivi madwar id-dinja, u b’mod partikolari l-kriżi attwali, jitolbu valur aħjar għall-flus, ambjent aħjar u iktar opportunitajiet għall-istudenti, il-lecturers u r-riċerkaturi, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ riforma fl-universitajiet Ewropej.

1.4.   L-aġġustamenti meħtieġa jinkludu iktar awtonomija u responsabbiltà tal-universitajiet għas-soċjetà fir-rigward tat-twettiq tal-missjoni pubblika tagħhom, l-estensjoni tal-modi ta’ finanzjament (suffiċjenti), iż-żieda fit-trasparenza u l-ftuħ, is-sħubijiet mal-komunità tan-negozju, il-promozzjoni tal-eċċellenza (ta’ standard dinji) fit-tagħlim u r-riċerka, u prattiki adegwati ta’ ġestjoni tar-riżorsi umani.

1.5.   Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ metodoloġija Ewropea biex tiġi evalwata l-prestazzjoni u biex tinġabar data komparabbli. L-evalwazzjoni Ewropea għandha tkun il-frott ta’ studju fil-fond minn esperti indipendenti u għandha tmur lil hinn sew mill-“kwotazzjonijiet” u l-lista unidimensjonali ta’ Shanghai, billi tħaddan firxa wiesgħa ta’ indikaturi multidimensjonali (1).

1.6.   L-istandards aġġornati u komparabbli għall-edukazzjoni u r-riċerka, barra mill-bażi wiesgħa li tiffaċilita l-iżviluppi multidixxiplinari u t-taħlitiet ġodda, għandhom jinkoraġġixxu d-diversità u l-ispeċjalizzazzjoni fost l-universitajiet, u b’hekk jissostitwixxu l-omoġeneità u x-xebh.

1.7.   Il-KESE huwa favur l-integrazzjoni koerenti tal-universitajiet fi Strateġija ta’ Lisbona mġedda fil-qafas taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (2).

1.8.   L-istudenti u l-istudjużi għandhom jiġu offruti iktar opportunitajiet biex isegwu karrieri interdixxiplinari fl-Ewropa. Dan jimplika, fost affarijiet oħra, prattika ta’ reklutaġġ trasparenti u karta tar-riċerkaturi li tkun marbuta mal-introduzzjoni tal-“ħames libertà”, jiġifieri ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien, filwaqt li tinżamm id-diversità tal-approċċi u l-kompetizzjoni biex jinkisbu l-aħjar riżultati.

1.9.   Għandu jiġi indirizzat approċċ pan-Ewropew lejn l-għalliema akkademiċi, ir-riċerkaturi, l-istudenti u l-universitajiet ewlenin fil-qasam xjentifiku minn pajjiżi terzi.

1.10.   Il-KESE huwa favur il-pjattaformi edukattivi konsultattivi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, li jinkludu rappreżentanti mis-soċjetà ċivili. Kemm iċ-ċentri ta’ eċċellenza ta’ klassi dinjija kif ukoll dawk reġjonali għandhom ikunu impenjati fis-soċjetà u r-reġjuni ta’ madwarhom. Dan jista’ jinkoraġġixxi wkoll spirtu intraprenditorjali fl-universitajiet u jkun ta’ appoġġ għall-clusters ekonomiċi u dawk tal-għarfien.

1.11.   Rwol u pożizzjoni indipendenti għall-universitajiet, kif kien il-każ żmien ilu, jinkoraġixxuhom u jsaħħuhom bħala l-mexxejja intellettwali tal-Ewropa. L-approċċi Ewropej għall-edukazzjoni u t-tagħlim, ix-xjenza u r-riċerka tal-ogħla livell m’għandhomx ikunu limitati għat-twessigħ u l-profondament tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-tagħlim Ewropej. Dawn għandhom jiġu estiżi għal kompetenzi u dixxiplini oħrajn ukoll, bħar-riċerka u l-prattika medika, ix-xjenzi soċjoekonomiċi, u l-istudji umanistiċi.

1.12.   Il-Kummissjoni għandha tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha u għandu jkollha rwol viżibbli u attiv f’dan il-proċess.

1.13.   Il-KESE ma jqisx li rabta intensifikata bejn l-universitajiet u l-UE hija kwistjoni teknika. Din lanqas m’għandha tkun limitata għas-settur ekonomiku, ikun kemm ikun kruċjali. Huwa involut orizzont li jmur lil hinn, l-importanza ġenerali tal-universitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħajja intellettwali, għas-soċjetà u għaċ-ċivilizzazzjoni.

1.14.   Il-missirijiet fundaturi tal-Ewropa u s-suċċessuri tagħhom kellhom ir-raġunijiet tagħhom għaliex żammew l-edukazzjoni barra mit-Trattat ta’ Ruma, iżda llum qed ngħixu fi żminijiet differenti. Is-sovranità nazzjonali u d-diversità għandhom jimxu b’mod parallel mar-rikonoxximent li l-UE fiha nnifisha għandha tkun imsieħba u kompetitur ugwali fuq skala dinjija. Għal dan il-għan, l-universitajiet huma msieħba essenzjali.

1.15.   Fi kliem ieħor, l-universitajiet bħala istituzzjonijiet għandhom jitħeġġu jiżviluppaw minn elementi barranin għal elementi ta’ ġewwa fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Il-Kunsill għandu jesprimi fehma ċara li tħares ’il quddiem f’dan ir-rigward.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Matul l-istorja, l-universitajiet qdew rwol prominenti fl-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea. Kienu fil-qalba tal-ħajja intellettwali u f’ħafna aspetti kienu l-ixprun tal-progress.

2.2.   L-istudjużi u l-akkademiċi, li kienu jivvjaġġaw b’mod ħieles madwar il-kontinent fost l-universitajiet awtonomi, kellhom influwenza qawwija fuq il-fehmiet dwar ix-xjenza u kull xorta ta’ fenomenu tas-soċjetà. Huma setgħu jifformaw ġenerazzjonijiet ta’ ċrieki u personalitajiet li kienu deċiżivi fit-tfassil tas-soċjetà Ewropea mil-lat politiku, soċjali u ekonomiku.

2.3.   Meta mit-tmintax-il seklu ’l quddiem l-istat nazzjon beda jfeġġ b’mod progressiv, l-universitajiet saru b’mod wiesa’ istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni nazzjonali u li jservu l-interessi nazzjonali fix-xjenza u r-riċerka. Dan l-iżvilupp rabba l-għeruq fil-fond. Minkejja ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni, anke fix-xjenza, l-edukazzjoni għolja u saħansitra x-xjenza u t-teknoloġija fl-universitajiet, sa ċertu punt, għadhom immexxija mil-livell nazzjonali.

2.4.   Progressivament l-intervenzjoni politika saret ħaġa normali. Is-sistemi edukattivi fil-livelli kollha issa huma msejsa fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi nazzjonali u huma organizzati skont dawn id-deċiżjonijiet. L-edukazzjoni għolja kullimkien ingħatat marka nazzjonali ċara. Din hija kkaratterizzata minn bosta diversitajiet istituzzjonali nazzjonali kumplikati, u ħafna drabi minn xebh edukattiv.

2.5.   L-oqfsa istituzzjonali, l-arranġamenti finanzjarji, il-governanza, il-livell ta’ awtonomija, u n-nomina u l-iżvilupp tal-karriera tal-professuri u r-riċerkaturi huma elementi importanti f’din l-istampa Ewropea diversifikata.

2.6.   Billi x-xjenza m’għandhiex fruntieri, l-akkademiċi u r-riċerkaturi stess saru dejjem iktar parti min-netwerks Ewropej u dinjija. Konsegwentement, hemm tendenza li l-programmi ta’ riċerka jkollhom dimensjoni internazzjonali wkoll, għalkemm din tkun ristretta. Madankollu, b’eċċezzjoni notevoli, insibu li l-edukazzjoni għolja privata, speċjalment l-iskejjel tal-kummerċ (business schools), skont id-definizzjoni tagħha hija iktar internazzjonali kemm fl-iskop kif ukoll fl-approċċ.

2.7.   It-Trattat ta’ Ruma u t-trattati sussegwenti m’għandhom l-ebda kapitolu dwar l-“Edukazzjoni”. Dak iż-żmien kien jitqies li m’hemm l-ebda korrelazzjoni bejn l-integrazzjoni ekonomika u l-edukazzjoni. L-edukazzjoni baqgħet kompetenza nazzjonali u soġġetta għalkollox għas-“sussidjarjetà”. Kull deċiżjoni dwar l-edukazzjoni fil-livell Ewropew tittieħed f’qafas intergovernattiv.

2.8.   Madankollu, jista’ jkun li partijiet mis-settur edukattiv ftit ftit ma jibqgħux jitqiesu bħala partijiet indipendenti mill-proċess ta’ integrazzjoni. B’approvazzjoni qawwija min-naħa tal-imsieħba soċjali, dan il-proċess beda b’dawk l-aspetti edukattivi li kellhom l-iktar rabta diretta mal-ekonomija u s-suq tax-xogħol, jiġifieri t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ vokazzjonali.

2.9.   Mill-1986 ’l hawn, il-programm ta’ skambju ta’ studenti, l-Erasmus, għamel kontribut għall-internazzjonalizzazzjoni tal-kurrikuli tal-istudenti. Fl-2009 ġie estiż permezz tal-Erasmus Mundus. Programmi speċjali li għandhom jissemmew huma Comett, programm ta’ skambju bejn l-universitajiet u l-kumpaniji fil-qasam tat-teknoloġija, Marie Curie, programm ta’ skambju għar-riċerkaturi, u Socrates, programm iffokat fuq it-tagħlim tul il-ħajja.

2.10.   Fl-1999 ittieħed pass kbir ’il quddiem għall-universitajiet meta l-ministri tal-edukazzjoni ta’ 29 pajjiż adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja.

2.11.   Il-Proċess ta’ Bolonja issa jħaddan 46 membru mill-kontinent Ewropew. L-objettiv ġenerali huwa l-ħolqien ta’ Żona Ewropea għall-Edukazzjoni Għolja. Tul l-aħħar għaxar snin is-suġġetti diskussi żdiedu b’mod sostanzjali (3). Il-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Bolonja huma: l-introduzzjoni tas-sistema ta’ lawrji bi tliet ċikli – baċċellerat/majjistru/dottorat – b’iktar enfasi fuq l-istudji dottorali u r-riċerka, l-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-lawrji, il-perijodi ta’ studju, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), it-tagħlim tul il-ħajja, id-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja, il-mobbiltà tal-istudenti u l-istaff, u fuq l-esplorazzjoni tad-dimensjoni esterna taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja.

2.12.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tagħmel enfasi qawwija fuq ir-rabta bejn l-għarfien u l-kompetittività. Hija serviet ta’ katalista u għenet sabiex l-universitajiet jitmexxew mill-marġni għaċ-ċentru tal-ħsieb Komunitarju. Numru dejjem jiżdied ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, li tnedew mill-Kummissjoni, irriżultaw f’kooperazzjoni internazzjonali iktar mifruxa fl-Ewropa.

2.13.   Għall-istess raġunijiet, f’bosta komunikazzjonijiet il-Kummissjoni stabbilixxiet l-aġenda għad-diskussjonijiet dwar ir-riforma u l-modernizzazzjoni tal-universitajiet (4).

2.14.   Ir-riformi tal-universitajiet li għaddejjin madwar fl-Ewropa qed isiru b’ritmi differenti.

2.15.   Fl-2005 l-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda welldet ukoll inizjattivi ġodda għall-mobilizzazzjoni tal-universitajiet. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jwaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (2007), u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT, 2008) huma l-iktar importanti. Fuq l-istess linji nsibu l-Green Paper dwar “Iż-Żona Ewropea għar-Riċerka: Perspettivi ġodda” (5).

2.16.   F’dan ir-rigward, il-Karta Ewropea u l-Kodiċi tal-Kondotta dwar il-mobbiltà u s-suq ħieles tar-riċerkaturi fl-2005 (6) huwa każ speċjali. Il-Karta u l-Kodiċi ġew iffirmati minn 800 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja. Madankollu, l-implimentazzjoni turi li bosta istituzzjonijiet ma japplikawx il-ftehim. Kultant jirbħu t-tradizzjonijiet speċifiċi u ta’ suċċess.

2.17.   Il-Kummissjoni qed taħdem fuq tikketta Ewropea biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Karta u l-Kodiċi li għandhom jirrispettaw ċerta diversità ta’ approċċi.

2.18.   L-impenn effettiv tal-universitajiet Ewropej fl-integrazzjoni Ewropea huwa proċess li jdum ħafna. L-akkademiċi, ix-xjentisti u l-istudenti qed jieħdu sehem dejjem iktar fid-dinamika internazzjonali, iżda l-universitajiet bħala istituzzjonijiet sikwit jibqgħu mxekkla mit-tradizzjonijiet u l-arranġamenti nazzjonali. L-iżviluppi jitfixklu wkoll minħabba l-fatt li l-“Edukazzjoni” fiha nnifisha għadha ma tagħmilx parti mit-Trattat Ewropew.

2.19.   In-netwerking madwar id-dinja bejn l-akkademiċi u r-riċerkaturi qed jespandi bis-saħħa tal-interazzjoni bejn l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u l-kumpaniji multinazzjonali. Din it-tendenza hija riflessa wkoll fil-programmi Komunitarji.

2.20.   Din l-Opinjoni tiffoka fuq tendenzi u kondizzjonijiet qafas ġodda biex jimpenjaw lill-universitajiet b’mod iktar effettiv u viżibbli fl-integrazzjoni Ewropea. L-universitajiet, b’konformità mal-vokazzjoni storika tagħhom li ilha żmien twil, m’għandhomx jitmexxew biss mill-Aġenda ta’ Lisbona, iżda huma stess għandhom isiru katalisti ewlenin tal-proċess.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Tul l-aħħar għexieren ta’ snin l-inizjattivi u l-programmi għall-promozzjoni tal-internazzjonalizzazjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa ġew intensifikati.

3.2.   Il-KESE huwa tal-fehma li fil-kuntest tal-impulsi l-ġodda, l-universitajiet għandhom ikunu msieħba b’mod viżibbli fiċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

3.3.   L-analiżi internazzjonali jaqblu b’mod unanimu li, minħabba l-ħeffa tat-teknoloġija u l-innovazzjoni kif ukoll il-kompetizzjoni mtejba, id-dinja akkademika Ewropea, b’mod ġenerali, mhijiex imħejjija b’mod suffiċjenti biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha, u għandha tendenza, f’temini relattivi, li saħansitra tmur lura (7).

3.4.   L-għan għandu jkun l-aħjar żvilupp possibbli tat-talenti u l-aċċess ugwali – li jinkludu t-tranżizzjoni bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni (għolja) u t-tagħlim tul il-ħajja – madwar l-Ewropa, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni. L-għadd ta’ studenti li jieqfu mill-iskola hija problema speċjali. Għandhom jiġu żviluppati metodi iktar effettivi ta’ taħriġ. Il-missjonijiet pubbliċi tal-universitajiet fl-Ewropa għandhom jinżammu u m’huma tal-ebda xkiel għall-garanzija ta’ kwalità u eċċellenza (8).

Minkejja l-varjazzjonijiet kollha li jistgħu jimplikaw differenzi sostanzjali fil-kwalità tar-riżultati akkademiċi, il-karatteristiċi komuni madwar l-Ewropa għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa. Fil-qafas ta’ din l-Opinjoni ta’ min jenfasizza dan li ġej:

3.5.1.   Il-livell ta’ awtonomija. Din is-sitwazzjoni hija kumplessa immens. Għalkemm hemm tendenza li tingħata dejjem iktar awtonomija lill-universitajiet, normalment l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi għadha dominanti (9). Hemm tendenza li n-nuqqas ta’ awtonomija u responsabbiltà suffiċjenti jikkonferma l-perspettivi tradizzjonali u r-regolamentazzjoni żejda. L-istruttura pubblika, appoġġjata mill-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, m’għandhiex tittardja l-awtonomija (10). L-għanijiet għandhom ikunu tħejjija aħjar tal-istudenti għas-suq tax-xogħol u attitudni iktar effettiva lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni.

3.5.2.   Il-mezz ta’ finanzjament. Hawnhekk ukoll, l-istampa hija waħda diversa ferm, iżda ġeneralment il-finanzjament pubbliku huwa deċiżiv (11). Dan ifisser li l-edukazzjoni għolja u r-riċerka, bħala regola, jiddependu ħafna mill-prijoritajiet politiċi, fost ħafna oħrajn, u dan ta’ spiss iwassal għal nuqqas ta’ finanzjament. Barra minn hekk, hemm ftit wisq inċentivi għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, bħall-finanzjament mill-fondazzjonijiet u l-kumpaniji, u l-introduzzjoni ta’ miżati għat-tagħlim, flimkien ma’ għotjiet finanzjarji u self (12).

3.5.3.   In-nuqqas ta’ trasparenza. Minħabba n-nuqqas ta’ data komparabbli affidabbli dwar l-universitajiet, kemm l-istudenti kif ukoll ir-riċerkaturi ma jistgħux jidentifikaw il-kompetenzi u l-korsijiet rilevanti fl-Ewropa. Il-metodoloġija Ewropea għall-klassifiki bħala strument trasparenti hija aspett kruċjali. Dan għandu jħeġġeġ l-għarfien komuni u l-kollaborazzjoni fil-programmi disponibbli tal-edukazzjoni u r-riċerka madwar l-Ewropa, kif ukoll l-informazzjoni u l-kwalità adegwata. Dan jista’ jistimola l-mobbiltà ġenerali kemm tal-istudenti kif ukoll tar-riċerkaturi.

3.6.   Billi l-edukazzjoni u l-edukazzjoni għolja huma responsabbiltà nazzjonali esklużiva, dan il-fatt ma jħeġġiġx b’mod awtomatiku lill-universitajiet biex iħarsu lil hinn mill-orizzonti proprji u l-fruntieri nazzjonali. Ir-riżultat huwa mudell frammentat ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li f’numru ta’ każijiet ikun ftit jew wisq magħluq għad-dinamika tad-dinja barranija.

3.7.   Barra minn hekk, il-frammentazzjoni tibqa’ tinżamm minħabba l-ħtiġijiet ta’ kwalità diverġenti – anke fl-applikazzjoni tal-mudell “baċċellerat/majjistru” – kondizzjonijiet tax-xogħol li mhumiex daqshekk attraenti, u ħafna drabi arranġamenti finanzjarji dgħajfin, li jibblokkaw il-ftuħ, il-valuri akkademiċi komuni, u l-mobbiltà transkonfinali minbarra ta’ dawk fil-quċċata.

3.8.   Teżisti t-tendenza li l-livell baxx ta’ awtonomija jwassal għas-similarità u l-omoġeneità fost l-universitajiet. F’numru ta’ pajjiżi dan jippromovi korsijiet universitarji “ġenerali” u faċilitajiet ta’ riċerka minflok l-eteroġeneità u l-ispeċjalizzazzjoni kkwalifikata.

3.9.   Il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni, ħafna drabi definiti minn pjattaformi nazzjonali tal-innovazzjoni, huma l-iktar nazzjonali, u bħala regola, ma jiġux involuti f’perspettivi iktar ġenerali. Il-fatt li ċerti aspetti jidħlu f’xulxin kif ukoll l-aġendi u l-kalendarji differenti jikkonfermaw il-frammentazzjoni u, konsegwentement, ixekklu l-ispeċjalizzazzjoni.

3.10.   Din mhijiex art għammiela biex jinġibdu r-riċerkaturi u l-aħjar lecturers minn barra, la mill-Istati Membri l-oħra u lanqas mill-bqija tad-dinja. Barra minn hekk, il-brain drain lejn l-Istati Uniti huwa ta’ tħassib kontinwu. Intant, iċ-Ċiniżi qed jippromovu l-aħjar universitajiet speċjalizzati li għandhom. L-Indja ser tieħu din it-triq ukoll.

3.11.   Bosta gruppi Ewropej tal-universitajiet qed jikkoordinaw dejjem iktar il-fehmiet dwar il-bżonn ta’ kondizzjonijiet aħjar għar-riċerka u l-iżvilupp u l-kapaċitajiet potenzjali għall-għarfien u l-innovazzjoni (13). Il-programmi ta’ riċerka konġunti huma strument promettenti għall-kooperazzjoni u għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni (14).

3.12.   Id-Dikjarazzjoni ta’ Bolonja tal-1999, maħsuba biex tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja sal-2010 billi tagħmilha iktar kompetittiva bis-saħħa tar-riformi, fl-2006 kienet segwita minn sejħa ġdida mill-Kummissjoni (15), li għandha raġun tikkonkludi li dan is-settur kruċjali tal-ekonomija u tas-soċjetà jeħtieġ ristrutturar u modernizzazzjoni fil-fond sabiex l-Ewropa ma titlifx il-pożizzjoni tagħha fil-kompetizzjoni globali fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni (16).

3.13.   L-aġġustamenti qed isiru, iżda bil-mod wisq. Barra minn hekk, il-politiki nazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-universitajiet ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri.

3.14.   Id-diskussjonijiet tal-lum fiċ-ċrieki akkademiċi jagħtu xhieda diżappuntanti li r-ritmu tal-progress lejn iż-żona Ewropea huwa wisq eżitanti.

3.15.   In-nuqqas tal-preżenza tal-Ewropa jista’ jkun enormi. Bħala konklużjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċiklu l-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona 2010 għandu jinkludi modernizzazzjoni mmirata tal-universitajiet u kooperazzjoni bejniethom, koordinazzjoni Ewropea mtejba u trasparenza ġenwina bis-saħħa tal-klassifiki.

4.   Il-bżonn ta’ perspettivi ġodda

4.1.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tipprova ssib bilanċ bejn il-konverġenza u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE u ż-żamma tal-kompetenzi nazzjonali bid-definizzjoni ta’ objettivi komuni u l-promozzjoni ta’ programmi u politiki komparabbli madwar l-Ewropa. Fil-fehma tal-KESE l-universitajiet bħala atturi ewlenin fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni għandu jkollhom post definit sew fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

4.2.   Proprju issa, fil-kriżi attwali, tinħtieġ enfasi dejjem ikbar fuq l-edukazzjoni u l-innovazzjoni fl-usa’ sens, li għandha tiftaħ toroq u opportunitajiet ġodda. Ir-riċerka u l-iżvilupp li għaddejjin bħalissa u l-programmi ta’ teknoloġija applikata, u l-mobbiltà (17) msaħħa tal-istudenti u l-lecturers għandhom ikunu ggarantiti madwar l-Ewropa kollha.

4.3.   F’dan il-kuntest, il-KESE jisħaq li biex tiżdied it-trasparenza hemm bżonn urġenti li tiġi żviluppata data komparabbli (18) u metodoloġija Ewropea affidabbli biex tevalwa u tqabbel il-prestazzjoni tal-universitajiet f’diversi dimensjonijiet, pereżempju l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għandu jiġi realizzat li minħabba l-eteroġeneità, l-ispeċjalizzazzjoni u d-diversità mixtieqa, data bħal din ma tistax tinġabar b’mod sempliċi. L-applikazzjoni ta’ diversi metodi tista’ ttejjeb il-metodoloġija u l-iżvilupp tal-kriterji. Il-kooperazzjoni mal-OECD hija mixtieqa.

4.4.   Il-programmi li ssemmew fil-kapitolu 2 huma ta’ appoġġ sostanzjali għall-iskambji transkonfinali. It-twaqqif tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (KER) jirrappreżenta pass ’il quddiem. Dan il-kunsill, bħala xprun għall-proġetti ta’ riċerka, għandu jagħti l-appoġġ tiegħu lill-internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet. Il-finanzjamenti tar-riċerka u l-eżekuzzjoni tar-riċerka għandhom jibqgħu attivatijiet maqsuma b’mod strett.

4.5.   Il-KER jimplika mobbiltà transkonfinali ikbar tar-riċerkaturi bl-introduzzjoni tal-hekk imsejħa “ħames libertà”, li hija marbuta mill-qrib mal-Karta tar-Riċerkaturi u l-Kodiċi għar-Reklutaġġ tagħhom (19). Fid-dawl tar-riżultat mixtieq, hemm ħtieġa kbira ta’ faċilitajiet aġġustati fl-universitajiet u titjib fil-kondizzjonijiet qafas amministrattivi u fiskali.

4.6.   It-twaqqif tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija huwa pass ieħor importanti. Dan l-istitut għandu jappoġġja r-rabtiet u l-alleanzi. B’mod parallel, għandha tiġi stabbilita koordinazzjoni Ewropea mtejba fost il-programmi universitarji. Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf Forum bejn l-intraprendituri u l-università hija l-pass importanti li jmiss.

4.7.   S’issa, l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka mhumiex indirizzati fil-Ħames Inizjattivi ta’ Sħubija, imħabbra mill-Kunsill, biex jiżviluppaw iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Fil-fatt, fost is-sitt linji proposti fil-Green Paper għall-iżvilupp taż-ŻER (20), il-kooperazzjoni profonda hija proposta għal kollox barra l-universitajiet (u, b’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet tar-riċerka). Dan ma jikkorispondix mal-fehma tal-KESE dwar l-universitajiet fl-Istrateġija ta’ Lisbona (21).

4.8.   Fuq l-istess linji, il-kondizzjonijiet għal faċilitajiet ta’ riċerka fuq skala kbira (CERN) madwar l-Ewropa u ċ-ċentri konġunti ta’ riċerka (JRC) oħra li jgħaqqdu l-gruppi universitarji, għandhom jittejbu. L-infrastrutturi kbar jimplikaw massa kritika u ħafna riċerkaturi impenjati li jistgħu jiġbdu riżorsi finanzjarji addizzjonali.

4.9.   Fil-fehma tal-KESE l-kriżi attwali għandha sservi bħala punt ta’ tluq ġdid b’perspettivi koerenti u sostenibbli li jżommu l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala kompetitur u msieħba siewja fix-xjenza u t-teknoloġija.

5.   B’risposta għal kuntest dinamiku

5.1.   L-impenn tal-Istati Membri u l-universitajiet

5.1.1.   It-tliet pilastri tal-edukazzjoni, ix-xjenza u l-innovazzjoni jeħtieġu impenn ċar mill-Istati Membri. It-tieni nett, dawn jeħtieġu wkoll parteċipazzjoni sħiħa, bi dritt, mill-universitajiet. Fl-aħħar nett, dawn għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tas-settur privat. L-aħjar riżultati jinkisbu bis-saħħa ta’ proċess flessibbli minn fuq għal isfel (top-down) u minn isfel għal fuq (bottom-up) fost ħafna partijiet interessati.

5.1.2.   Għandu jiġi kkunsidrat li n-netwerking dinji, id-dinamika tat-teknoloġija u r-riċerka, l-ispeċjalizzazzjoni mmirata u t-talenti mingħajr xkiel joħolqu kamp ġdid għall-universitajiet (nazzjonali) li jippermettilhom li jfittxu orizzonti ġodda (22).

5.1.3.   Dan m’għandux idgħajjef id-diversità kulturali, anzi l-oppost. Id-diversitajiet nazzjonali u reġjonali jirrappreżentaw il-valur prezzjuż tal-Ewropa. Iżda huwa ċar li d-diversità tal-pajsaġġ u l-frott tiegħu jinqdew aħjar minn strateġija globali ta’ analiżi komuni u objettivi miftiehma biex jinfetħu l-fruntieri li għad hemm, u biex jiġu inkoraġġuti l-kwalità u l-ispeċjalizzazzjoni.

5.1.4.   Qabel kollox jinħtieġu orjentazzjoni komuni u mentalità komuni fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-valuri akkademiċi komuni, il-ftuħ kulturali u akkademiku, inqas burokrazija amministrattiva, passaġġi transkonfinali, it-trasparenza fil-kwalifiki professjonali u r-riżultati, il-proġetti teknoloġiċi transkonfinali u l-mobbiltà transkonfinali. Dan kollu jista’ jitwettaq billi tinżamm id-diversità kulturali.

5.1.5.   Iż-żieda fl-awtonomija u l-awtogovernanza, il-fatt li jkun hemm iżjed flessibbiltà u affidabbiltà fil-finanzjamenti u t-trasparenza ser itejbu l-inizjattivi għall-modernizzazzjoni mill-universitajiet stess. Ser joħolqu proċess minn isfel għal fuq (bottom-up) għal standards ogħla, kwalità aħjar u speċjalizzazzjoni.

5.1.6.   Id-demografija Ewropea għandha tkun inċentiv qawwi biex tiġi aġġustata s-sistema tal-edukazzjoni għolja kemm għall-istudenti Ewropej kif ukoll għal persuni ta’ talent minn pajjiżi terzi. Jekk ma jsir l-ebda aġġustament, ser ikun hemm defiċits sostanzjali fil-ġejjieni. L-Ewropa teħtieġ persentaġġ ogħla ta’ persuni kkwalifikati ħafna biex tiġi inkoraġġuta l-produttività mir-riċerka, it-tixrid tal-għarfien u l-kapaċità tal-innovazzjoni.

5.1.7.   Għandna nżommu f’moħħna li anke l-Istati Uniti jistgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom minn ta’ quddiem f’għadd ta’ oqsma minħabba li l-universitajiet tagħhom jiġbdu lill-barranin.

5.2.   Kompetizzjoni trasparenti u evalwazzjoni tal-kwalità

5.2.1.   Is-soċjetà bbażata fuq l-għarfien, imressqa fl-Istrateġija ta’ Lisbona, titlob livell ogħla ta’ edukazzjoni u riċerka interdixxiplinari u transsettorjali sabiex tkun tista’ tiġi sostitwita l-monodixxiplinarità.

5.2.2.   L-inkoraġġiment ta’ kompetizzjoni trasparenti għall-universitajiet, minflok ma joħloq l-uniformità, jindirizza l-ħtieġa ta’ divrenzjar u speċjalizzazzjoni. Din tal-aħħar ser twassal ukoll għall-kofinanzjament mis-settur privat fejn dan huwa mixtieq (23).

5.2.3.   F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ bil-qalb l-inizjattiva li ħarġet il-Kummissjoni dan l-aħħar biex tiġi stabbilita metodoloġija Ewropea għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-universitajiet.

5.2.4.   Il-klassifika Ewropea għandha tkun il-frott ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni fil-fond minn esperti magħżula u minbarra l-“kwotazzjonijiet” għandha tħaddan il-kwalità tal-edukazzjoni u t-tagħlim, ir-riċerka, l-innovazzjoni, ir-rabtiet, l-“identifikazzjoni” tal-ispeċjalizzazzjonijiet, il-kompetenzi interdixxiplinari, ir-rabtiet istituzzjonali bejn l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka indipendenti (24), u s-servizzi loġistiċi għall-istudenti. Hemm bżonn metodi ta’ evalwazzjoni Ewropej multidimensjonali biex jiġu evalwati r-riżultati tal-universitajiet.

5.2.5.   Probabbilment l-“identifikazzjoni” ser tinkoraġġixxi l-mobbiltà transkonfinali mmirata fost l-istudenti, il-lecturers, il-professuri u r-riċerkaturi. Din ser twieġeb għat-tendenza dejjem tikber fost l-istudenti li jfittxu l-aħjar korsijiet fil-qasam partikolari tagħhom, u konsegwentement tħeġġeġ it-talenti potenzjali.

5.2.6.   L-“identifikazzjoni” ser tgħin ukoll biex tittejjeb ir-riċerka medjokra bil-ħolqien ta’ netwerks ġodda, u attitudni kollaborattiva u kompetittiva madwar l-Ewropa. Dawn in-netwerks u l-alleanzi ġodda bejn iċ-ċentri ta’ eċċellenza ser iwasslu għal għadd ta’ rabtiet ta’ livell għoli, li jinkludu r-riċerka interdixxiplinari transkonfinali, u jwittu t-triq għal soluzzjonijiet ġodda.

5.3.   Influwenzi minn barra u interrelazzjonijiet

5.3.1.   Fiċ-ċirkostanzi attwali l-infiq pubbliku jinsab taħt pressjoni kullimkien. Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn li jinżamm il-livell tal-baġits marbuta mal-edukazzjoni u l-università biex tiġi appoġġjata l-infrastruttura tal-għarfien u l-programmi ta’ riforma li qed jitwettqu.

5.3.2.   Id-dinamika attwali fir-riċerka u t-teknoloġija tenfasizza l-bżonn ta’ modernizzazzjoni u soluzzjonijiet ġodda. Minbarra l-aġġustamenti neċessarji tal-universitajiet stess is-sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u dawk pubbliċi-privati għandhom jiġu inkoraġġuti. Il-finanzjamenti privati jistgħu jaċċeleraw it-tendenza tar-riċerka orjentata lejn il-problemi, li bħala metodu qed jirnexxi dejjem iktar fl-Istati Uniti.

5.3.3.   Il-koordinazzjoni Ewropea tal-programmi nazzjonali tal-innovazzjoni fejn jieħdu sehem l-universitajiet jistgħu jkunu ta’ benefiċċju u produttivi. S’issa dawn il-programmi, ħafna drabi definiti mill-pjattaformi nazzjonali għall-innovazzjoni, huma l-iktar ibbażati fuq speċjalitajiet nazzjonali u jiffokaw fuq prijoritajiet nazzjonali. Konsegwentement, dawn is-soltu ftit li xejn iqisu l-aġenda jew il-kalendarju Ewropew ġenerali u ma jikkunsidrawx il-kunflitti jew l-effetti tal-konsegwenzi mixtieqa f’kuntest Ewropew.

Barra minn hekk, f’każijiet partikolari, l-approċċi u l-proġetti transkonfinali u pan-Ewropej huma l-iktar mixtieqa.

5.3.4.   Żgur illi l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, il-proġetti pubbliċi-privati definiti u kofinanzjati fil-livell Ewropew jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom f’dan ir-rigward.

5.3.5.   Wieħed mill-programmi nazzjonali li kiseb suċċess f’dan ir-rigward li jista’ jservi bħala eżempju utli għall-applikazzjonijiet Ewropej u t-titjib ta’ kisbiet xjentifiċi pan-Ewropej huwa l-Inizjattiva tal-Eċċellenza Ġermaniża tal-2005 (25).

5.3.6.   Aġenda ta’ Lisbona għall-universitajiet, minbarra l-programmi Ewropej eżistenti, li għandhom l-inċentivi proprji, iżżid il-kompetittività fl-edukazzjoni għolja fi skala usa’ u twassal għall-eċċellenza.

5.3.7.   Fil-fehma tal-KESE l-introduzzjoni ta’ pjattaformi edukattivi konsultattivi fil-livell Ewropew (26) – b’analoġija mal-pjattaformi tat-teknoloġija – jistgħu jgħinu fid-diskussjoni dwar il-programmazzjoni u l-aġenda tal-edukazzjoni għall-Ewropa, bħall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Ewropew, il-kompetenzi mixtieqa, l-akkreditazzjoni, il-prattiċitajiet marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja, il-kwalifiki u l-profili professjonali, il-metodi moderni tal-edukazzjoni, eċċ.

5.3.8.   Dawn il-pjattaformi konsultattivi għandhom jiġu estiżi lil hinn miċ-ċrieki akkademiċi biex iħaddnu atturi li mhumiex mill-Istat – l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

5.4.   Niffaċilitaw il-mobbiltà

5.4.1.   Għall-ġenerazzjonijiet ta’ età iżgħar, l-Ewropa bħala entità hija realtà. L-informazzjoni affidabbli u trasparenti fil-livell Ewropew dwar l-aħjar korsijiet f’kull qasam kif ukoll dwar l-ispeċjalizzazzjoni tal-universitajiet u l-fakultajiet ser jissodisfaw l-istennijiet ta’ ħafna żgħażagħ u ser iħeġġu l-iskambju transkonfinali. L-istudenti u l-istudjużi għandhom jiġu offruti iktar opportunitajiet biex isegwu karrieri interdixxiplinari fl-Ewropa. Iċ-ċirkolazzjoni mtejba tar-riċerkaturi – anke bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat – ser tkun ta’ benefiċċju.

5.4.2.   L-ostakli għall-ispeċjalizzazzjoni, art għammiela għall-iskambju ta’ riċerkaturi żgħażagħ ta’ talent, għandhom jiġu skrutinizzati fil-livell Ewropew. Permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-ħolqien ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza fir-riċerka u l-edukazzjoni, qed titħeġġeġ kompetizzjoni kostruttiva fost l-universitajiet Ewropej.

5.4.3.   Huwa mixtieq ħafna li jkun hemm approċċ pan-Ewropew li jkun orjentat lejn il-futur għar-riċerkaturi u l-istudenti minn pajjiżi terzi. Xi pajjiżi diġà qabdu din it-triq (27).

5.4.4.   Fihom infushom, il-kuntratti tax-xogħol li jvarjaw ma joħolqux problemi speċjali. Iżda l-kondizzjonijiet sekondarji tax-xogħol differenti jistgħu jkunu ta’ xkiel, pereżempju dispożizzjonijiet nazzjonali speċjali rigward l-arranġamenti għas-sigurtà soċjali. L-analiżi attwali tal-possibbiltajiet għal fondi tal-pensjoni pan-Ewropea għar-riċerkaturi hija milqugħa ħafna. Il-prinċipji enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi għandhom jitħeġġu (28).

5.4.5.   Każ partikolari huwa l-programmi u l-proġetti tal-baġit. Billi t-termini ta’ referenza u l-proċeduri amministrattivi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, dawn għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa biex tiġi ffaċilitata l-internazzjonalizzazzjoni.

5.4.6.   L-iffaċilitar tal-mobbiltà, min-naħa tiegħu, ser jagħmlu aktar attraenti l-clusters u ċ-ċentri tal-għarfien li diġà jeżistu fl-Ewropa u anke ta’ dawk li huma ġodda. Dawn ser jippromovu attivitajiet interdixxiplinari u ser jirrinforzaw ir-rabtiet meħtieġa sew bejn ix-xjenza u s-settur privat kif enfasizzat il-Kummissjoni.

5.5.   Id-dimensjoni reġjonali

5.5.1.   Il-clusters ekonomiċi, li jservu ta’ rabta bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u s-settur privat, bħala regola huma protagonisti b’saħħithom ibbażati fir-reġjuni. Il-clusters jistgħu jkunu utli ħafna wkoll biex jinkoraġġixxu iżjed iżvilupp reġjonali. Ir-reġjuni u l-universitajiet għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw b’mod iktar effettiv.

5.5.2.   L-esperjenza prattika turi li l-estensjoni taċ-ċentri ta’ eċċellenza b’riċerka u tagħlim tal-ogħla livell issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-kumpaniji fir-reġjuni u ż-żoni metropolitani (29). Il-proċess tat-tqegħid tal-universitajiet u l-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom b’mod iktar viżibbli fl-ambjent naturali tagħhom ser ikun ta’ benefiċċju għat-tkabbir u l-impjiegi f’żoni urbanizzati kbar.

5.5.3.   L-ispeċjalizzazzjoni u d-diversità joħolqu toroq differenti għall-eċċellenza. Xi universitajiet jikkompetu u jikkooperaw fil-livell dinji, filwaqt li oħrajn huma ċentri ta’ eċċellenza reġjonali.

5.5.4.   L-universitajiet kollha għandhom ikunu impenjati fis-soċjetà ta’ madwarhom. Minbarra l-missjonijiet essenzjali tal-edukazzjoni u t-tagħlim, hemm bżonn li jiġu żviluppati iktar l-attivitajiet tat-tielet livell bħall-iskambju tal-għarfien u l-innovazzjoni mas-soċjetà, l-impenn fil-komunità, it-tagħlim tul il-ħajja u r-rilevanza għall-iżvilupp reġjonali u lokali.

Brussell, l-4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-lista estensiva tal-indikaturi mixtieqa fil-punt 5.2.4 iktar ’l isfel.

(2)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar “It-triq lejn is-soċjetà Ewropea bbażata fuq l-għarfien”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 94, talba għal “Żona Ewropea Komuni għall-Għarfien, ibbażata fuq kooperazzjoni intensifikata fit-Tagħlim, l-Innovazzjoni u r-Riċerka”.

(3)  Strutturi u tradizzjonijiet akkademiċi diverġenti joħolqu dibattitu wiesa’ dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-implimentazzjoni tiegħu. Għall-Ġermanja ara, pereżempju, il-Pubblikazzjonijiet tad-“Deutscher Hochschulenverband”.

(4)  Mobilizzazzjoni tal-intelliġenza tal-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Lisbona, COM(2005) 152 finali. Inwasslu għar-riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, COM(2006) 208 finali. Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji, COM(2009) 158 finali

(5)  Din il-Green Paper ta’ April 2007 tiffoka fuq sitt oqsma għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: ir-riċerkaturi, il-kooperazzjoni internazzjonali, il-programmi ta’ riċerka konġunti, it-trasferiment tal-għarfien u d-drittijiet tal-awtur. Ara wkoll il-kummenti tal-KESE fid-dokument CES 1440-2007

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2005, adottata mill-Kunsill …

(7)  Fost oħrajn ara The future of European Universities, Renaissance or Decay ta’ Richard Lambert and Nick Butler, Centre for European Reform, Ġunju 2006, u High Aspirations, Agenda for reforming Universities, Breugel, Awwissu 2008. Fil-paġna VII jingħad li l-awturi “jindirizzaw l-edukazzjoni għolja u jressqu aġenda ambizzjuża għaliha bil-konvinzjoni li t-titjib tal-universitajiet huwa wieħed mil-lievi prinċipali tal-prestazzjoni tat-tkabbir tal-Ewropa.” F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ d-Dikjarazzjoni ta’ Praga tal-2009 għall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet li, barra minn messaġġ sod lill-mexxejja politiċi, tidentifika 10 fatturi ta’ suċċes rilevanti immens għall-universitajiet Ewropej fl-għaxar snin li ġejjin.

(8)  F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-Università ta’ Berkely, l-università fit-tielet post fl-Istati Uniti, hija istituzzjoni pubblika.

(9)  Kultant ikun hemm ukoll pass lura. Eżempju rilevanti huwa l-Liġi tal-Università, 2003, fid-Danimarka, li billi saħħet l-influwenza politika, naqqset l-awtonomija tar-riċerkaturi u l-universitajiet b’mod konsiderevoli.

(10)  Minbarra l-“awtonomija” għandha tingħata attenzjoni lill-“awtogovernanza” tal-universitajiet.

(11)  Il-fatt li għadd limitat biss tal-universitajiet għandhom kalkolu preċiż tal-ispejjeż globali tagħhom huwa effett sekondarju li mhuwiex mixtieq.

(12)  Il-KESE jirreferi għall-Kummissjoni: il-miżati għat-tagħlim jistgħu jiġu inkorporati, sakemm ikunu akkumpanjati minn għotjiet u self biex jiġi ggarantit l-aċċess ugwali.

(13)  League of European Research Universities, Coimbra Group, IDEA League, RISE.

(14)  Kooperazzjoni transkonfinali ta’ dan it-tip ser tagħti l-frott ukoll għar-riċerka bażika, li titwettaq fil-qafas tal-proġetti (kbar) tal-EU.

(15)  Komunikazzjoni: Inwasslu għar-riżultati tal-Aġenda ta’ Modernizzazzjoni għall-Universitajiet: l-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, COM(2006) 208 finali. Ara wkoll il-Komunikazzjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tal-intelliġenza tal-Ewropa: li tippermetti lill-universitajiet sabiex jagħtu l-kontribut sħiħ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Liżbona, COM(2005) 152 finali.

(16)  COM(2006) 208 finali, p. 11.

(17)  Rigward l-importanza tal-mobbiltà tal-istudenti, ara l-Komunikazzjoni mill-Kunsill ta’ April 2009 dwar il-Proċess ta’ Bolonja: sal-2020, tal-inqas 20 % tal-istudenti għandhom ikunu għamlu perijodu ta’ studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom.

(18)  Din id-data għandha tinkludi d-diversi skemi ta’ finanzjament/sponsors u l-aġenziji għar-riċeka u l-iżvilupp kif ukoll ir-rwol tal-kooperazzjoni u l-impenn mal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-kumpaniji industrijali barra l-universitajiet.

(19)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(21)  Għall-fehmiet tal-Istati Membri u l-approċċ tal-KESE, ara r-Riżultati tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper, April 2008, p. 20 u l-paġni ta’ wara

(22)  Fost oħrajn ara The Third Generation Universities ta’ Prof. H. Wissema, deskrizzjoni tal-isfidi u l-opportunitajiet moderni għall-universitajiet. Dan jinkludi eżempji konkreti, bħall-Università ta’ Cambridge u l-Università ta’ Louvain.

(23)  L-eżempju tal-Istati Uniti juri li t-trasparenza, id-diverenzjar u l-ispeċjalizzazzjoni jwasslu sabiex kull riċerkatur u xjentist fid-dinja jkun jaf liema università fl-Istati Uniti hija l-iktar waħda attrezzata f’kull qasam partikolari. Dawn il-kondizzjonijiet bażiċi jippromovu wkoll il-kofinanzjament mis-settur privat u mill-fundazzjonijiet.

(24)  F’xi pajjiżi Ewropej, speċjalment Franza u l-Ġermanja, il-biċċa l-kbira tar-riċerka ssir fl-istituzzjonijeit ta’ riċerka b’rabtiet mill-qrib mal-universitajiet, li għandhom jiġu inkoraġġuti iktar.

(25)  L-Inizjattiva għall-Eċċellenza, 2005, hija intiża biex tippromovi l-Ġermanja bħala post attraenti għar-riċerka, u tagħmilha iktar kompetittiva u tiffoka l-attenzjoni fuq ir-riżultati eċċellenti tal-universitajiet Ġermaniżi u l-komunità Ġermaniża tax-xjenza. Din l-inizjattiva tappoġġja r-riċerka tal-ogħla livell. Il-programm huwa ffinanzjat b’EUR 1,9 biljun għall-perijodu 2006-2011.

(26)  Il-“Pjattaformi edukattivi” ġew proposti matul il-Forum bejn l-Universitajiet u l-Intrapriżi (University Business Forum) fis-6 ta’ Frar 2009 mis-Sur F. A. van Vught, ex-President tal-Bord tal-Università ta’ Twente. Ta’ min jinnota li fil-Finlandja, il-leġiżlazzjoni dwar l-universitajiet hija limitata filwaqt li l-monitoraġġ tripartetiku għandu impatt sostanzjali.

(27)  Eżempju wieħed huwa l-Pajjiżi l-Baxxi. Hemm madwar 10 000 student għal Ph. D li 30 % minnhom mhumiex Olandiżi.

(28)  Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi, COM(2008) 317 finali.

(29)  Fost ħafna eżempji jistgħu jissemmew Cambridge, Eindhoven, Stuttgart u r-reġjun ta’ Öresund. Ara wkoll il-proġetti u l-pubblikazzjonijiet tal-OECD dwar l-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tar-reġjuni u l-bliet (http://www.oecd.org/document/16/0,3343,en_2649_35961291_34406608_1_1_1_1,00.html)


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-fondi tal-private equity, il-hedge funds u l-fondi sovrani fuq il-bidliet industrijali fl-Ewropa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/10)

Relatur: is-Sur MORGAN

Korelatur: is-Sur POP

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impatt tal-fondi tal-private equity, il-hedge funds u l-fondi sovrani fuq il-bidliet industrijali

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li hija inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’167 voti favur, 1 vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-bidliet industrijali mill-Fondi Sovrani (Sovereign Wealth funds – SWF) u l-Fondi ta’ Investiment Alternattivi (Alternative Investment Funds – AIF). L-AIF huma magħmula mill-Private Equity (PE) u l-Hedge Funds (HF). Il-KESE qabbad lill-konsulenti “Wilke Maack und Partner” (WMP) u dawn ħarġu rapport ta’ 87 faċċata. Il-qarrejja ta’ din l-opinjoni għandhom iħarsu lejn ir-rapport innifsu għal analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet. Għal perspettiva ferm differenti dwar l-AIF u l-SWF għandhom jagħtu ħarsa lejn “The New Power Brokers” ippubblikat fuq is-sit tal-internet tal-Mckinsey Global Insitute.

1.2.   Il-fondi analizzati f’din l-opinjoni jinfluwenzaw il-bidliet industrijali f’diversi modi. L-SWF huma investituri konvenzjonali li jixtru u jbiegħu fis-suq. Il-HF jixtru u jbiegħu l-ishma, l-iktar bħala negozjanti, iżda xi wħud jistgħu jkunu attivisti. L-istrateġija tal-Private Equity (PE) hija waħda ta’ azzjoni diretta (hands on). Ma tistax issir ġeneralizzazzjoni dwar dawn it-tliet modi ta’ investiment. Huma pjuttost distinti. Analiżi tal-punti ta’ saħħa, dgħufija, opportunitajiet u theddid (SWOT) ta’ kull fond tingħata fl-aħħar tat-taqsimiet 3, 4 u 5 rispettivament.

1.3.   L-esperjenza u r-riċerka juru aspett komuni ċar ħafna: kull konsegwenza soċjali, inklużi l-bidliet industrijali, ser tiġi ffaċilitata sew billi tiżdied il-provvista u t-tqassim tal-informazzjoni, u qabel kollox, it-trasparenza. Il-KESE jirrakkomanda li dawn it-tliet elementi jittejbu fil-każijiet kollha.

1.4.   Il-PE għandha tliet aspetti importanti. Għandha impatt pożittiv fuq il-kapital riskjuż u fil-finanzjament ta’ bidliet totali u r-riorganizzazzjoni u t-tkabbir tal-kumpaniji mmexxija minn familji. Min-naħa l-oħra, l-inġinerija finanzjarja aggressiva reċenti assoċjata mal-Leveraged Buy-Outs (LBO) il-kbar tista’ twassal għall-falliment jew il-kważi-falliment ta’ ħafna kumpaniji b’konsegwenzi potenzjalment terribbli ħafna għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-impjegati. Hemm ukoll dimensjoni soċjali importanti li tinvolvi kemm it-titjib kif ukoll id-deterjorament tar-rati tal-impjieg, il-livelli tad-dħul finanzjarju u d-drittijiet soċjali. Minħabba d-diffikultajiet bid-data, WMP jirrakkomandaw li għandna nkunu prudenti ħafna dwar il-konklużjoni li l-kumpaniji ffinanzjati mill-PE huma ttrattati agħar jew magħfusin iktar fil-kuntest tal-aċċelerazzjoni ġenerali tal-bidliet industrijali u r-ristrutturar tul dawn l-aħħar żewġ deċennji ta’ snin. Jeżistu ħafna eżempji ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol li sejrin għall-agħar madwar l-Ewropa fejn il-fondi tal-kapital m’għandhom l-ebda rwol.

1.5.   B’mod ġenerali, l-attivitajiet tal-HF m’għandhom l-ebda impatt fuq il-bidliet industrijali, iżda hemm eċċezzjonijiet importanti. Il-HF huma l-ikbar xerrejja tad-distressed debt. Dawn ikunu xerrejja tal-aħħar istanza u jista’ jkollhom rwol importanti fis-salvataġġ u r-riorganizzazzjoni ta’ kumpaniji għaddejjin minn problemi (distressed companies). Dawn ikunu involuti wkoll fuq iż-żewġ naħat f’sitwazzjonijiet ta’ Għaqdiet u Akkwisti. B’dan il-mod jinħoloq il-valur iżda l-impatt fuq il-bidliet industrijali mhuwiex dejjem pożittiv. L-orjentazzjoni lejn il-perijodu l-qasir titqies bħala punt potenzjali negattiv. Tħassib ieħor jinkludi nuqqas ta’ trasparenza u l-potenzjali għar-riskju sistemiku, li jiħrax bil-lieva finanzjarja.

1.6.   Hemm żewġ aspetti importanti tal-attivitajiet tal-SWF. Il-punti pożittivi tal-SWF jinkludu t-tendenza ta’ żamma ta’ ishma fuq perijodu itwal u kemm huma lesti li jkunu x-xerrejja tal-aħħar istanza. Il-punti negattivi jinkludu nuqqas ta’ trasparenza u l-potenzjal li l-ishma jintużaw għal finijiet strateġiċi politiċi.

1.7.   L-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq tal-kapital kienet ferm sinifikanti. L-istituzzjonijiet investituri akkumulaw portafolli dinjija tal-ishma u ppromovew l-għaqdiet u l-akkwisti internazzjonali. Saret pressjoni fuq il-kumpaniji u r-regolaturi biex jittrasferixxu d-drittijiet tal-vot mill-maniġment għall-azzjonisti. L-ispettru tal-Għaqdiet u l-Akkwisti (M&A) u t-theddida tal-attiviżmu tal-azzjonisti wasslu sabiex il-maniġments fl-UE introduċew bidliet industrijali mifruxa. Sa ċertu punt dan fixkel ir-relazzjonijiet bejn il-maniġment u l-partijiet interessati u qassar il-perijodi ta’ żmien tal-maniġment b’mod ġenerali. Dan huwa l-kuntest li fih joperaw l-AIF u l-SWF.

1.8.   Il-Maniġers tal-Fondi Konvenzjonali Istituzzjonali (Conventional Institutional Fund Managers (CIFM)), dawk inkarigati mill-pensjonijiet, l-assigurazzjonijiet u l-mutwalitajiet, huma involuti mal-AIFM f’kull stadju. Dawn huma investituri kbar fl-AIF: ibiegħu l-investimenti tagħhom lill-PE għal-LBOS, jixtru l-kumpaniji tal-portafoll meta toħroġ il-PE, l-investimenti tagħhom fil-kumpaniji jkollhom rwol meta l-attivisti tal-HF jintervjenu fl-Għaqdiet u l-Akkwisti u jkunu l-azzjonisti li jsellfu l-ishma lill-HF biex il-HF ikunu jistgħu jagħmlu bejgħ skopert. Fl-aħħar mill-aħħar dawn jappoġġjaw kwalunkwe politika ambjentali, soċjali u governattiva li jimplimentaw l-AIF. Is-CIFM huma r-reċiproku tal-AIFM.

1.9.   Wara li ġie kkunsidrat ir-rapport ta’ WMP u perspettivi oħra inklużi f’din l-opinjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE jaqgħu fi tliet kategoriji: ir-regolamentazzjoni u t-trasparenza, l-emendi għal-leġiżlazzjoni soċjali eżistenti u r-responsabbiltajiet tas-CIFM.

1.10.   Ir-regolamentazzjoni tal-AIFM hija s-suġġett ta’ Direttiva proposta mill-UE li dwarha l-KESE ser iħejji opinjoni separata. Mill-perspettiva tal-KESE, huwa importanti li wieħed jinnota li l-AIF ma kkawżawx il-kriżi, iżda ntlaqtu ħafna minnha. Għad hemm ħafna inċertezza dwar ir-rwol li kellhom dawn il-fondi u għad hemm każ ċar għal iktar trasparenza permezz ta’ regolamentazzjoni adatta.

1.11.   Il-KESE japprova s-sitt prinċipji ta’ livell għoli għar-regolamentazzjoni tal-HF proposti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tas-Sigurtà (International Organisation of Security Commissions (IOSCO)) f’Ġunju 2009 u li huma mfissra fil-qosor fit-Taqsima 4. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq dawn il-prinċipji u ssaħħaħhom għar-regolamentazzjoni tal-AIFM fid-Direttiva proposta. Filwaqt li l-IOSCO iffinalizzat analiżi dwar ir-riskju għas-sistema finanzjarja mill-PE, għadha ma saret l-ebda proposta regolatorja. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadatta l-prinċipji tal-HF tal-IOSCO b’tali mod li jadattaw għall-profil tal-PE.

1.12.   Kif jissemma’ fit-Taqsima 5, il-prinċipji ta’ Santiago miftiehma mill-SWF jipprovdu bażi għal trasparenza u governanza mtejba fl-SWF. Madankollu, fadal ħafna xi jsir. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tagħmel pressjoni fuq il-Grupp ta’ Ħidma Internazzjonali tal-SWF (IWG) biex tkompli bl-iżviluppi meħtieġa.

1.13.   Skont ċerti sistemi legali, il-HF u l-PE li għandhom is-sjieda u li jikkontrollaw kumpaniji mhumiex ikkunsidrati bl-istess mod bħal min iħaddem u għaldaqstant huma eżentati mill-obbligi legali ta’ min iħaddem. Id-Direttiva Ewropea dwar id-Drittijiet Akkwistati, li tħares it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ akkwist ta’ kontroll, ġeneralment ma tapplikax fil-każ ta’ akkwist minn AIF minħabba l-fatt li dawn kulma jagħmlu huwa li jieħdu l-ishma b’tali mod li l-identità ta’ min iħaddem ma jinbidilx. Il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tad-Drittijiet Akkwistati 2001/23/KE (1) tissaħħaħ fil-każ ta’ akkwisti tal-kontroll tal-HP u l-PE sabiex:

jitħarsu d-drittijiet tal-impjegati kkonċernati, inkluż id-dritt li jiġu infurmati u kkonsultati;

jiġi żgurat li t-trasferimenti tal-impriżi permezz tal-bejgħ tal-ishma ma jiġux esklużi mid-Direttiva;

jiġi żgurat li dawn l-azzjonijiet jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Nazzjonali u Ewropea.

1.14.   Sabiex nirriflettu s-sitwazzjoni li nħolqot mill-HF u l-PE, il-KESE jipproponi li d-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE (2) dwar it-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u d-Direttiva 2002/14/KE (3) li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-impjegati jiġu emendati biex jiġu żgurati drittijiet ta’ konsultazzjoni iktar effettivi li jirrispettaw il-pożizzjoni tal-partijiet kollha qabel ma jiġu ffinalizzati ftehimiet tal-PE, matul kwalunkwe proċess ta’ ristrutturar, u qabel ma joħorġu.

1.15.   Qed ikun hemm dejjem iżjed fondi tal-pensjonijiet u kumpaniji tal-assigurazzjoni li qed ikollhom sehem f’HF u PE u l-falliment tagħhom jista’ jolqot ħażin id-drittijiet tal-membri tal-iskema tal-pensjonijiet. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa d-Direttiva 2003/41/KE (4) dwar l-attivitajiet u l-monitoraġġ tal-istituzzjonijiet għad-dispożizzjoni dwar l-irtirar mix-xogħol biex jiġi żgurat li:

l-impjegati u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins jiġu kkonsultati dwar l-investimenti tal-pensjonijiet u r-riskji assoċjati u li l-fehmiet tagħhom jiġu rrispettati,

l-Istati Membri jużaw l-aħjar prattika biex jiżguraw li l-pensjonijiet tal-kumpaniji akkwistati mill-impjegati jkunu mħarsa mill-falliment.

1.16.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex fid-Direttiva li jmiss jiġu stabbiliti regoli ċari u mhux ambigwi li jiżguraw li l-fondi jintużaw b’mod trasparenti, partikolarment permezz tal-parteċipazzjoni diretta tar-rappreżentanti tal-impjegati u tal-kumpaniji.

1.17.   Il-KESE jitlob li s-CIFM japplika l-Prinċipji tal-Investiment Responsabbli (PIR) fin-negozjati kollha mal-AIFM. Il-PIR, li jindirizzaw kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-governanza, tfasslu minn inizjattiva mill-investituri istituzzjonali bi sħubija mal-Inizjattiva Finanzjarja tal-UNEP u s-Sħubija Globali tan-NU. Il-KESE jirrakkomanda li l-SWF isegwu d-direzzjoni tan-Norway Pension Fund u jadottaw il-PIR.

1.18.   Barra minn hekk, il-KESE japprova l-“Prinċipji tal-Investiment Responsabbli fil-Private Equity” li ħareġ il-Bord tal-PIR. Il-prinċipji huma mfassla biex jgħinu lis-CIFM li jinvestu fil-PE biex jittrasferixxu r-responsabbiltajiet ambjentali, soċjali u tal-governanza lejn il-kumpaniji tal-portafoll li jinvestu fihom. Il-KESE għandu jilqa’ l-iżvilupp ta’ sett simili ta’ Prinċipji għall-HF.

2.   Sidien, Maniġers u Investituri

2.1.   Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji fl-Istati Membri tal-UE huma proprjetà ta’ familji. Meta fl-aħħar mill-aħħar il-familji jċedu l-kontroll, il-kumpanija tista’ tiġi akkwistata minn kumpanija oħra (bejgħ kummerċjali), mibjugħa lill-kumpanija tal-PE (buy-out) jew tiġi kkonvertita f’kumpanija pubblika permezz ta’ IPO (Initial Public Offering) f’suq tal-ishma. L-etos tal-kumpanija tal-familja ġeneralment ikun fit-tul, flimkien ma’ responsabbiltà ta’ sjieda għall-partijiet interessati, speċjalment il-ħaddiema.

2.2.   Xi intraprendituri jfittxu l-private equity bħala appoġġ finanzjarju fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-kumpanija. Il-kapital tal-bidu (seed capital) huwa finanzjament ipprovdut sabiex jiġi studjat, valutat u żviluppat kunċett inizjali ta’ prodott jew servizz. Il-kapital għan-negozji li għadhom jibdew (start-up capital) jiġi pprovdut lill-kumpaniji għall-iżvilupp ta’ prodotti u għall-marketing inizjali. L-intraprenditur is-soltu jkollu jiddependi fuq il-familja u l-ħbieb għal dan il-kapital spekulattiv iżda l-business angels u l-kumpaniji tal-kapital riskjuż jistgħu jagħżlu wkoll li jinvestu. Il-kapital għat-tkabbir (expansion capital) jipprovdi l-finanzjament għall-iżvilupp ta’ kumpanija. Mhuwiex rari li jiġi involut il-kapital riskjuż f’dan l-istadju.

2.3.   Il-PE tinvesti f’kumpaniji privati permezz tal-Buy-Out. Dan is-soltu jfisser il-ħruġ ta’ familja li tkun waqqfet il-kumpanija jew jista’ jfisser t-tneħħija ta’ kumpanija mis-suq tal-ishma u b’hekk issir privata. F’management buy-out il-maniġers attwali jkunu x-xerrejja, is-soltu bl-appoġġ tal-private equity. F’dan il-kuntest, il-fondi tal-private equity jiffinanzjaw ukoll il-buy-outs tal-ħaddiema. Il-kapital tabdil (replacement capital) jinvolvi x-xiri ta’ ishma f’kumpanija eżistenti minn fond ieħor ta’ private equity. Dan it-tip ta’ tranżazzjoni jippermetti l-ewwel fond biex joħroġ il-valur fi żmien adatt, fejn il-biċċa l-kbira tal-fondi ta’ PE jkollhom limitu.

2.4.   L-Għaqdiet u l-Akkwisti (M&A) huma fattur prinċipali fil-ħajja korporattiva. Kumpaniji li jkunu qed jikbru jagħmlu akkwisti li jiffinanjzaw jew bid-dejn jew bl-ishma. Ħafna drabi l-kumpaniji jiġu akkwistati minħabba li jkollhom assi ta’ valur li l-maniġment attwali ma jkunx jista’ jagħmel l-aħjar użu minnhom.

2.5.   Meta l-kumpaniji jibdew juru sinjali ta’ falliment u problemi dawn jistgħu jiġu salvati, iżda tista’ tinħtieġ azzjoni estrema, b’aċċelerazzjoni ta’ bidliet industrijali li jkun imisshom ilhom li saru u b’impatt fuq l-interessi soċjali u ekonomiċi tal-azzjonisti, l-impjegati u l-partijiet interessati. Ir-riżultat jista’ jinvolvi bidla totali minn maniġment ġdid, salvataġġ permezz ta’ akkwist, buy-out minn PE jew saħansitra riorganizzazzjoni wara insolvenza.

2.6.   Il-biċċa l-kbira tal-investiment issir fil-Public Equity – l-ishma tal-kumpaniji kkwotati fis-swieq tal-ishma. L-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq tal-ishma kienet ferm sinifikanti. L-investituri tal-Public Equity jinfluwenzaw il-bidliet industrijali permezz tas-suq tal-ishma fejn jixtru l-ishma li jissodisfaw l-istennijiet u jbiegħu l-ishma li jiddiżappuntawhom. L-azzjonisti tas-CIFM ma jiħdux azzjoni diretta (hands on). Dawn iressqu fehmithom lill-maniġment u jistgħu jitolbu lill-bord ibiddel lill-maniġment, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, dawn jinfluwenzaw il-bidliet industrijali meta jidħlu u joħorġu u meta jappoġġaw jew ma jappoġġawx l-Għaqdiet u l-Akkwisti u t-tranżazzjonijiet tal-AIF.

2.7.   L-investiment fl-ishma tal-kumpaniji huwa għażla kemxejn riskjuża fil-firxa ta’ opportunitajiet ta’ investiment. L-investituri jixtru l-ishma bl-istennija li ser jogħlew fil-valur. Filwaqt li huwa minnu li l-valur medju tal-portafolli għandu tendenza jiżdied tul iż-żmien, kemm is-swieq kif ukoll l-ishma individwali għandhom tendenza jitilgħu u jinżlu. Is-CIFM jagħmlu tranżazzjonijiet matul u barra miċ-ċiklu bħala tentattiv biex jottimizzaw il-valur tas-sehem tagħhom iżda l-fondi tagħhom jibqgħu esposti għall-kapriċċi tas-suq tal-ishma.

2.8.   Is-CIFM jiġġestixxu l-fondi tal-pensjonijiet, l-assigurazzjonijiet u l-mutwalitajiet. Barra minn hekk, individwi ta’ valur għoli (High Net Worth Individuals – HNWI) ikollhom assi sostanzjali, li madwar terz minnhom ikunu inkorporati fil-fondi l-oħra mniżżlin hawn isfel. L-investituri konvenzjonali kollha jfittxu li jtaffu l-perijodu negattiv fis-suq tal-ishma. Dan jagħmluh billi jduru, fost affarijiet oħra, għall-AIFM. L-appoġġ tal-HNWI ffinanzja l-espansjoni tremenda tal-HF.

2.9.   Id-data miġbura mill-International Financial Services ta’ Londra tgħin biex tingħata perspettiva lill-kobor tal-fondi. L-assi globali amministrati fl-2007 kienu stmati kif ġej fi triljuni ta’ US$:

Fondi ta’ Pensjonijiet

28,2

Fondi ta’ Investimenti Sovrani

3,3

Fondi ta’ assigurazzjoni

19,9

 

 

Mutwalitajiet

26,2

Hedge Funds

2,3

HNWI

40,0

Fondi ta’ Private Equity

2,0

L-importanza relattiva tal-Hedge Funds u tal-Private Equity żdiedet kemm mil-lat tal-konċentrazzjoni kif ukoll mil-lat tal-lieva finanzjarja. Ġeneralment, l-SWF għandhom l-istess għanijiet bħas-CIFM u għaldaqstant jinvestu fil-PE u l-HF. Maġġoranza assoluta tal-assi kollha amministrati mill-HF madwar id-dinja issa jiġu mis-CIFM u terz minn dawn l-assi jiġu minn fondi tal-pensjonijiet.

2.10.   Ir-rendiment mill-AIFM, b’mod konsistenti, kellhom prestazzjoni aħjar mill-investimenti konvenzjonali tas-suq tal-ishma. Ġeneralment, dawn ikollhom suċċess meta jwettqu strateġiji ta’ riskju għoli / rendiment għoli. Pereżempju, il-maniġers tal-HF jużaw il-bejgħ skopert (short selling). Il-HF jissellfu ishma fil-kumpanija fil-mira. Dawn jinkisbu bi ħlas mill-broker mingħand sid l-ishma. Il-HF imbagħad ibiegħ l-ishma bl-istennija li l-prezz se jaqa’. Eventwalment il-HF ikollu jerġa’ jixtri l-ishma biex jgħaddihom lura lis-sid. Jekk il-prezz ikun waqa’, il-fond jagħmel il-qligħ, iżda dan qatt ma jista’ jkun iktar minn 100 % tal-ammonti involuti. Jekk il-prezz jogħla, m’hemmx limitu għat-telf potenzjali. Il-bejgħ skopert huwa riskjuż ħafna.

2.11.   Il-HF jieħdu wkoll pożizzjonijiet fit-tranżazzjonijiet tal-M&A, fejn is-soltu jixtru ishma fil-kumpanija fil-mira u jbiegħu dawk tax-xerrej. Billi hemm ir-riskju li t-tranżazzjoni tiġi mblokkata, il-HF jista’ jsir attivist biex inaqqas dan ir-riskju. Minbarra li jintervjenu fit-tranżazzjonijiet tal-M&A, il-HF jistgħu wkoll jieħdu pożizzjonijiet f’kumpaniji bil-għan li jipprovokaw tranżazzjoni. Dan huwa riskju kbir.

2.12.   Meta kumpanija tibda tħabbat wiċċha mal-problemi, is-CIFM ikollhom ibiegħu s-sehem kollu tagħhom. L-AIF huma interessati b’mod partikolari fid-distressed debt li għandu tendenza li jkun skontat sew. Imbagħad dan jagħti lill-AIF il-lieva finanzjarja biex tgħaddi tagħhom fin-negozjati sussegwenti. Ħafna drabi, meta ssir likwidazzjoni, fond jista’ jintradd lura flusu u iktar. F’riorganizzazzjoni, il-fond jista’ jaħfer id-dejn ta’ kumpanija jekk jingħata l-ishma li jistgħu jagħmlu l-qligħ jekk jirkupraw. Ir-riorganizzazzjoni hija tajba għall-partijiet interessati ta’ kumpanija għax tippermetti li kollox jibqa’ għaddej. L-investiment fid-distressed debt huwa ċar li huwa riskjuż. Il-fondi jistgħu jagħmlu l-qligħ għax ikunu lesti li jinvolvu ruħhom meta l-bqija jkunu qed joħorġu.

2.13.   Leveraged Buy-Out (LBO) huwa tranżazzjoni riskjuż ħafna tal-PE. Il-fond tal-investiment jagħmel akkwist mingħajr ma joħroġ il-biċċa l-kbira tal-kapital meħtieġ għat-tranżazzjoni. Is-soltu t-tranżazzjoni tiġi ffinanzjata mid-dejn tal-bank u mill-junk bonds bl-assi tal-kumpanija fil-mira użati bħala garanzija. Dan kollu jkun ibbażat fuq il-premessa li l-fluss tal-likwidità tal-kumpanija fil-mira ser ikopri l-pagamenti tal-interessi u tal-ħlas lura tad-dejn. Fil-kriżi attwali, ħafna tranżazzjonijiet bħal dawn qed juru li huma żbaljati.

2.14.   Din it-taqsima tqiegħed il-bażi loġika tal-AIF f’perspettiva. Filwaqt li l-attivitajiet li tipikament isiru mill-AIFM u l-SWF huma deskritti fit-taqsimiet li ġejjin, il-fondi nnifishom mhux bilfors iżommu ma’ dawn il-kategoriji. Il-fondi tal-PE jistgħu joperaw fl-ambitu tal-HF, u viċi versa. L-SWF jinvestu fit-tnejn li huma.

3.   Private equity

3.1.   Il-fondi tal-private equity huma ġabriet ta’ kapital privat ifformati biex jinvestu f’kumpaniji privati. Tipikament dawn ikunu strutturati bħala sħubijiet limitati. Il-fokus tal-investiment tal-fondi tal-PE huwa fuq il-kapital riskjuż (venture capital), il-kapital tal-bdil (replacement capital), id-distressed securities u l-buy-outs. Fond tal-PE jkollu bejn 7 u 10 snin ħajja. Dan jipprova joħroġ bi qligħ sakemm il-fond jagħlaq. Investiment tipiku jdum 3–5 snin, iżda jista’ jiġi estiż sa għaxar snin. Il-kapital tal-bdil jippermetti li fond jagħlaq qabel ma jimmaturaw l-investimenti kollha tiegħu.

3.2.   Billi l-PE jkollha tendenza qawwija li tipprovdi kapital tal-bidu u kapital riskjuż kif ukoll li takkwista distressed securtities u tiffinanzja l-buy-outs, din hija fattur importanti tal-bidliet industrijali. F’opinjoni reċenti (5) l-KESE approva r-rwol tal-kapital riskjuż. Iż-żieda qawwija fil-fondi tal-private equity bejn l-2004 u l-2007 kellha impatt qawwi wkoll fuq il-bidliet industrijali fl-Ewropa, b’mod partikolari bil-provvista ta’ kapital għal-leveraged buy-outs, l-iffinanzjar tal-Għaqdiet u l-Akkwisti u x-xiri tad-distressed securities.

3.3.   Il-buy-outs huma l-attività prinċipali tal-PE. Hemm ħafna problemi metodoloġiċi fl-analiżi tal-impatt tal-PE fuq il-bidliet industrijali. Kif osservaw WMP, hemm il-“kwistjoni tal-kontrafattwali”. X’kien ikun ġara lill-kumpanija kkonċernata li kieku ma kinitx ġiet involuta l-PE? Fejn ikollna data dwar il-prestazzjoni tal-kumpanija, ma’ xiex għandna nqabbluha? Kif niġġustifikaw il-fatt li l-kumpaniji li ttieħdu mill-PE mhumiex kampjun kif ġie ġie?

3.4.   Huwa konvenzjonali li jitqabbel l-impatt ta’ buy-out minn PE ma’ grupp pari ta’ kumpaniji li ma nxtrawx. Madankollu, it-tqabbil validu jkun ma’ grupp ta’ kumpaniji pari soġġetti għall-akkwist korporattiv. Ikun ta’ sorpriża jekk l-akkwist korporattiv jirriżulta f’bidliet industrijali ħafna inqas radikali minn buy-out tal-PE billi l-għan ta’ akkwist korporattiv huwa dejjem li jsaħħaħ il-qligħ ta’ min jagħmel l-akkwist. Bl-istess mod, il-bidliet industrijali radikali jkunu mistennija wkoll f’bidla totali konvenzjonali, wara l-introduzzjoni ta’ maniġment ġdid.

3.5.   Is-sentejn bejn l-2005 u l-2007 kienu l-aħjar żmien tal-LBOs il-kbar. Il-banek kienu qed isellfu bl-iktar patti ħfief. Storikament, il-parti tad-dejn ta’ LBO hija stmata bejn 60 % u 90 %. Din il-lieva ġiet applikata għall-karti tal-bilanċ tal-kumpaniji tal-portafoll tal-PE iktar milli għall-fondi tal-PE innifishom. Għaldaqstant, il-lieva tqassmet b’mod mifrux u ma tirrappreżenta l-ebda riskju sistemiku per se. Madankollu, l-IOSCO identifikat il-probabbiltà li ħafna kumpaniji b’lieva għolja fil-portafoll tal-PE jistgħu jfallu, u dan jolqot lil min isellef, ix-xerrejja tad-dejn u l-imsieħba tal-PE bħall-fondi tal-pensjonijiet. Mill-perspettiva tal-bidliet industrijali, l-ikbar theddida hija għall-partijiet interessati fil-kumpaniji li jintlaqtu. Kemm jista’ jkun, ir-riorganizzazzjoni u r-rikostruzzjoni ta’ dawn il-kumpaniji għandhom jitwettqu bl-approvazzjoni tal-partijiet interessati

3.6.   WMP eżaminaw l-evidenza relatata mal-ħames aspetti tal-impatt tal-PE fuq il-bidliet industrijali fil-livell tal-kumpanija. Dawn ma setgħux jaslu għal konklużjonijiet definittivi minħabba problemi metodoloġiċi u limitazzjonijiet oħra tal-analiżi.

3.7.   Rigward il-prestazzjoni tal-kumpaniji, il-profitti u l-ħolqien tal-valur, ir-riżultat huwa pożittiv biċ-ċar. Madankollu, konklużjoni importanti rigward ir-riżultati tal-istħarriġ dwar l-effetti tal-PE fuq il-valur miżjud medju għall-kumpaniji fil-mira hija li r-riżultati ma jispjegawx sa liema punt il-ħolqien tal-valur immonitorjat joħroġ minn proċess ta’ ħolqien “ġenwin” iktar mill-“approprjazzjoni tal-valur”.

3.8.   Rigward l-impjieg, l-impatt fuq il-livelli tal-persunal fil-kumpaniji fil-mira huwa l-iktar kwistjoni kontroversjali fid-dibattitu attwali dwar il-PE. Hemm biżibilju studji kontradittorji kemm mill-industrija tal-PE kif ukoll mill-perspettiva tat-trejdjunjins. Studju minn Harvard għall-World Economic Forum, ikkwotat minn WMP, sab li l-investimenti tal-PE esperjenzaw telf ikbar fl-impjiegi mill-grupp tal-kontroll. Madankollu, billi l-fondi tal-PE ħafna drabi jieħdu r-riedni ta’ kumpaniji li kellhom qagħda ta’ impjieg li probabbli ma kinitx sostenibbli, ir-ristrutturar u s-sensji setgħu kienu tabilħaqq neċessarji.

3.9.   L-istudju ta’ Harvard sab ukoll li l-kumpaniji kkontrollati mill-PE kellhom tendenza ta’ “qerda kreattiva” fejn ir-rati tal-akkwisti, tal-bejgħ, tal-impjanti ġodda u tal-għeluq kienu darbtejn għoljin daqs f’kumpaniji oħrajn. Fis-sentejn wara l-akkwist tal-kontroll, 24 % tal-impjegati jkunu ntlaqtu minn din l-attività. Din mhijiex xi ħaġa ġdida fejn jidħlu r-ristrutturar u r-riorganizzazzjoni.

3.10.   Rigward l-evoluzzjoni tal-pagi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-impatt tal-PE huwa mill-ġdid ferm kontroversjali. Hemm evidenza miż-żewġ naħat tal-argument, iżda WMP ma waslux għal konklużjoni definittiva minħabba n-nuqqas ta’ ġbir sistematiku ta’ data.

3.11.   Rigward id-djalogu soċjali, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell tal-kumpanija, ma saret kważi l-ebda riċerka sinifikattiva. L-evidenza empirika turi li f’xi każijiet arranġamenti eżistenti u r-relazzjonijiet mat-trejdjunjins huma rrispettati filwaqt li f’każijiet oħra mhumiex. Kwistjoni importanti hija li d-Direttivi soċjali tal-UE mhux dejjem japplikaw fl-akkwist tal-kontroll minn PE.

3.12.   Rigward il-prattika tal-amministrazzjoni, il-kultura korporattiva u l-governanza hemm kontribut ieħor minn Harvard. Minnu, WMP jikkonkludu li l-impatt ewlieni mill-PE huwa li jissaħħaħ il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u li jitneħħew l-impjegati u l-impjanti li ma jilħqux l-istandards stabbiliti tal-prestazzjoni. WMP jikkwotaw ukoll lill-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins li l-PE, bl-enfasi limitata tagħha fuq il-ksib ta’ għanijiet operattivi la m’hija ideoloġika u lanqas sentimentali fl-approċċ tagħha lejn kwistjonijiet bħan-negozjar kollettiv u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

3.13.   Din hija analiżi SWOT tal-PE, b’noti mir-relatur:

Mikrodimensjoni

Punti ta’ Saħħa (Strengths)

Kapital tal-bidu,ġeneralment kapital riskjuż

Kompetenza / għarfien tan-netwerk

Struttura governattiva

Riżorsi finanzjarji għall-Għaqdiet u l-Akkwisti u strateġiji għat-tkabbir

Punti ta’ Dgħufija (Weaknesses)

Stennijiet ta’ qligħ ħafna drabi esaġerati,iżda proporzjonati mar-riskju

Spejjeż finanzjarji / esternalitajiet

Għal-LBOs

Orjentazzjoni lejn il-perijodu medju biss

Orjentazzjoni qawwija lejn il-finanzi / l-azzjonisti

Ħafna drabi strateġija riskjuża ħafna

Kwistjoni ta’ riskju / ippremjar.

Dimensjoni usa’

Opportunitajiet (Opportunities)

Ħolqien ta’ valur

Żieda fil-kompetittività

Tkabbir u ħolqien tal-impjiegi

Iktar adattabbiltà

Theddid (Threats)

Strateġija ibbażata fuq is-self – għal-LBOs il-kbar

Riinġinerija finanzjara – ibid.

Riskju għall-iżvilupp stabbli – ibid.

Kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol

tfakkira: il-kontrafattwali

Nuqqas ta’ orjentazzjoni lejn il-perijodu fit-tul

Falliment – għal-LBOs il-kbar

4.   Hedge funds

4.1.   Tipikament il-HF ikunu sħubijiet limitati. Il-portafoll ikun amministrat minn maniġer tal-investimenti; attivitajiet oħra huma ddelegati lin-negozjant prinċipali (Prime Broker – PB) u lill-Amministratur. Ħafna fondi jiġu stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore bħall-Gżejjer Kajman ħalli ż-żieda fil-valur ma tiġix intaxxata. L-investituri huma intaxxati fuq il-profitti tagħhom f’pajjiżhom. Il-maniġers tal-investimenti, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fl-Istati Uniti jew Londra jħallsu t-taxxa fuq il-miżati konsiderevoli tagħhom fil-pajjiżi fejn ikunu bbażati.

4.2.   Artiklu fl-Economic Review tal-Isveriges Riksbank, Volum I, 2009 (ERSV) jiddeskrivi t-tkabbir tas-suq tal-HF mill-1996 meta kien hemm 2 000 fond madwar id-dinja jamministraw assi ta’ madwar US$ 135 biljun sa tmiem l-2007 meta kien hemm 10 000 fond jamministraw US$ 2 000 biljun.

4.3.   “Prime brokerage” huwa l-isem ġeneriku għas-servizzi offruti mill-banek tal-investiment u l-kumpaniji tat-titoli lill-HF u li mingħajrhom il-HF ma jkunx jista’ jaħdem. Dan jinkludi l-kustodja dinjija tal-assi tal-fond, is-self tat-titoli għall-bejgħ skopert, l-iffinanzjar biex tiġi pprovduta lieva finanzjarja u s-servizzi teknoloġiċi. Billi l-PB għandu rwol ċentrali fis-suq tal-HF, ħafna osservaturi jemmnu li d-data meħtieġa għall-monitoraġġ tar-riskju sistemiku tinkiseb aħjar mill-għadd ristrett ta’ PB milli minn kull HF individwali.

4.4.   Madwar 20 PB ikopru 90 % tal-industrija dinjija tal-HF. Bejn 30 – 40 % tal-Prime brokerage dinji huwa bbażat Londra. 60 % tal-HF jinstabu fl-Istati Uniti, 20 % f’Londra u 20 % fil-bqija tad-dinja. F’Londra nsibu bejn 80 u 90 % tal-industrija tal-HF tal-UE. Il-maniġers tal-AIF f’Londra huma regolati mill-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji (Financial Services Authority (FSA)) tar-Renju Unit.

4.5.   L-HF joffru rendiment assolut fuq l-investiment b’volatilità relattivament baxxa li ma tantx jintlaqat minn jekk investiment partikolari jkunx tiela’ jew nieżel. Dan jinkiseb bis-saħħa tal-hedging. Huma jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom billi jużaw il-kuntratti tad-derivattivi u s-soltu japplikaw lieva finanzjarja għar-rendiment billi jissellfu fondi addizzjonali biex jinvestu.

4.6.   Dawn iħaddnu varjetà wiesgħa ta’ ħiliet u strateġiji mill-iktar monotoni għall-iktar riskjuż u jużaw varjetà ta’ strateġiji biex jiksbu pożizzjonijiet ġenerali dwar id-direzzjoni tas-swieq, il-muniti, il-komoditajiet, ir-rati tal-interessi eċċ. u joħolqu volum ferm kbir fil-boroż mingħajr ma jkollhom impatt dirett fuq il-bidliet industrijali. Xi wħud jużaw ħiliet superjuri fir-riċerka u l-għażliet tal-istokkijiet biex jixtru l-aħjar ideat imbagħad jagħmlu bejgħ skopert ta’ dawk l-istokkijiet li jaħsbu li mhux se jmorru daqshekk tajjeb. Oħrajn jużaw sistemi kompjuterizzati biex jikkalkulaw il-valur “ġust” ta’ ass kontra ieħor u mbagħad jagħmlu bejgħ skopert u jixtru l-ieħor.

4.7.   Għaldaqstant, il-bejgħ skopert huwa parti integrali fit-tħaddim tal-HF. F’Settembru 2008, ir-Renju Unit ħabbar li l-bejgħ skopert huwa teknika ta’ investiment legali f’kondizzjonijiet normali tas-suq. Dawk li jagħmlu l-bejgħ skopert huma aġenti ekonomiċi. Ħafna drabi dawn issemmu verità diffiċli dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpaniji li jkunu qed ibiegħu l-ishma tagħhom – li l-valur tagħhom ma jkunx għoli daqskemm jaħsbu n-nies. F’dan ir-rigward jagħmluha tat-tifel li qal li l-imperatur ma kellux ħwejjeġ. Taħt ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun li l-bejgħ skopert jibda jintensifika sitwazzjoni li inkella taf tkun waħda ta’ diffikultajiet fil-perijodu qasir li jiffaċċjaw kumpaniji sodi u li b’hekk iwasslu sabiex il-kumpanija jkollha tagħmel ristrutturar industrijali. Il-bejgħ skopert jista’ wkoll jiggrava l-kriżijiet tal-boroż b’konsegwenzi sistemiċi minħabba l-effett tar-regola tal-‘mark to markett’ (standard tal-kontabbiltà li jalloka valur għall-pożizzjoni ta’ strument finanzjarju skont il-prezz ġust attwali fis-suq). Hekk kif żviluppat il-kriżi finanzjarja, l-awtoritajiet daħħlu projbizzjoni fuq il-bejgħ skopert tal-ishma bankarji. L-impożizzjoni ta’ projbizzjoni għadha għażla ta’ politika għar-regolaturi meta jqisu li l-kondizzjonijiet tas-suq ma jkunux normali.

4.8.   Huwa bis-saħħa tal-istrateġiji mmexxija mill-avvenimenti (event-driven) li l-HF jista’ ikollhom u għandhom impatt importanti fuq il-bidliet industrijali. Il-HF ifittxu opportunitajiet għall-investiment fl-ambitu ta’ avvenimenti korporattivi. Il-perijodu ta’ żamma f’sitwazzjonijiet bħal dawn huwa tipikament bejn sena u 3 snin. Eżempju wieħed huwa li jsir arbitraġġ tal-ishma tal-kumpaniji li jkunu qed jingħaqdu. Kultant il-HF isir proattiv u jieħu sehem żgħir spekulattiv biex jixpruna avveniment, kif ġara fil-każ tal-ABN AMRO. Fejn l-investiment ikun wieħed imdaqqas u l-fond ikun wieħed attivist, dan iwassal inevitabbilment għall-bidliet industrijali aċċelerati. Filwaqt li hemm evidenza konsiderevoli li l-investiment tal-HF jżid il-valur tal-kumpanija fil-mira, teżisti ftit li xejn riċerka dwar l-impjiegi u l-impatti soċjali. Il-HF huma l-ikbar xerrejja tad-distressed securities, opportunità oħra mmexxija mill-avvenimenti.

4.9.   Is-salvataġġ tal-LTCM fl-1998, għar-raġuni li kien kbir wisq biex ifalli, wassal sabiex l-HF jitqiesu bħal riskju sistemiku potenzjali għalkemm, meta nħarsu lura, l-azzjoni tal-Fed hija kkunsidrata bħala waħda żbaljata. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-PB qagħdu attenti għar-riskji involuti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-HF, u eventwalment, kien il-falliment tal-Lehman Brothers, bank regolat, li wassal għall-kriżi. Il-HF ma kellhomx lieva finanzjarja għolja daqs tal-banek regolati.

4.10.   L-artiklu tal-ERSV (op cit) janalizza r-rwol li jaqdu l-HF fil-kriżijiet finanzjarji, u b’mod partikolari li jaħdmu flimkien biex joħolqu impatt. Ma nstabet l-ebda evidenza ta’ din l-imġiba fil-kriżi tal-Muniti Ewropej (1992), il-kriżi Ażjatika (1997) jew il-bużżieqa tal-IT (2002). Rigward il-kriżi attwali, din laqtet lill-fondi iktar milli l-fondi laqtu l-kriżi.

4.11.   L-analiżi eżaminat ukoll jekk il-HF humiex theddida ikbar għall-istabbiltà finanzjarja minn investituri oħrajn. Din waslet għall-konklużjoni li l-influwenza tal-fondi individwali fuq is-suq sħiħ huwa limitat, mhux l-inqas billi l-assi tal-HF jitqassmu fost 10 000 fond. Madankollu, jista’ jkun li qdew rwol fl-iżvilupp tal-kriżi, flimkien mal-investituri istituzzjonali l-oħra.

4.12.   Filwaqt li l-impatt tal-HF fuq il-bidliet industrijali huwa inqas evidenti minn dak tal-PE, għad hemm it-tħassib dwar l-impatt potenzjali tagħhom, mhux l-inqas minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fl-istrateġiji tagħhom, l-investimenti tagħhom u d-domiċilju tagħhom. Għaldaqastant, il-KESE japprova s-sitt prinċipji ta’ livell għoli deskritti fir-rapport reċenti tal-IOSCO dwar il-monitoraġġ tal-hedge funds (Ġunju 2009), li tħejja bħala appoġġ għall-inizjattiva tal-G20. Il-prinċipji huma:

reġistrazzjoni obbligatorja tal-maniġers / konsulenti tal-HF,

kondizzjonijiet regolatorji li jkopru l-istandards organizzattivi, il-kunflitti tal-interess, l-iżvelar u r-regolamentazzjoni prudenzjali,

reġistrazzjoni obbligatorja, regolamentazzjoni u monitoraġġ tal-PB,

provvista mill-HF / PB tal-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tar-riskju sistemiku,

gwida tal-aħjar prattika mir-regolaturi,

kooperazzjoni internazzjonali bejn ir-regolaturi.

Il-vantaġġ ta’ ftehim internazzjonali huwa li jiskoraġixxi l-arbitraġġ regolatorju.

4.13.   Din hija analiżi SWOT minn WMP għall-HF, b’noti mir-relatur:

Mikrodimensjoni

Punti ta’ Saħħa (Strengths)

żieda fil-valur tal-kumpaniji kkwotati

Orjentazzjoni lejn swieq effiċjenti

Xerrej tal-“aħħar istanza”

Xiri ta’ assi riskjużi / distressed securities

Punti ta’ Dgħufija (Weaknesses)

Orjentazzjoni lejn il-perijodu l-qasir

m’għandhom l-ebda rwol fit-tul

“Mentalità tal-merħla” / imġiba “tal-merħla”

mingħajr provi, qatt ma nstabet

Trasparenza tar-riskji

Esternalitajiet

Dimensjoni usa’

Opportunitajiet (Opportunities)

Likwidità fis-swieq finanzjarji

Tegħlib tan-nuqqasijiet tas-suq (fil-każ ta’ investituri attivi)

Innovazzjonijiet finanzjarji

Theddid (Threats)

Riskji ta’ lieva / tas-sistema

m’hemmx provi

Manipulazzjoni tas-swieq

Żgur li le

Eżawriment tar-riżervi finanzjari

Iktar huwa ta’ tħassib għall-PE

Enfasi fuq l-inġinerija finanzjarja

Strateġija ta’ riskju għoli – bi premjar għoli

5.   Fondi ta’ Investimenti Sovrani

5.1.   L-SWF mhuwiex l-AIF. Huwa ġabra ta’ flus tal-Istat li jiġi investit f’portafoll ta’ assi finanzjarji. Il-funzjoni ewlenija hija li jistabbilizza l-ekonomija ta’ pajjiż permezz ta’ diversifikazzjoni u li jiġġenera l-ġid għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Illum hemm 20 fond importanti li b’kollox għandhom ’il fuq minn $3 triljuni f’assi. L-SWF huma ġeneralment iffinanzjati jew mill-qligħ minn bejgħ ta’ komoditajiet bħaż-żejt u l-gass fil-Lvant Nofsani jew mill-bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti bħal fil-każ taċ-Ċina. Mill-perspettiva makro tal-ekonomija dinjija, huwa ċar li l-SWF jaqdu żewġ rwoli importanti. Dawn jittrasferixxu l-fondi lura lill-ekonomiji tal-OECD, u b’hekk jikkoreġu l-iżbilanċji globali u billi jżommu l-bilanċ favorevoli tagħhom barra mill-ekonomiji domestiċi, dawn inaqqsu l-periklu tal-inflazzjoni domestika.

5.2.   Skont WMP, l-SWF il-kbar huma:

Pajjiż

Fond

Assi US$ biljuni

Abu Dhabi

Abu Dhabi Investment Authority

627

L-Arabja Sawdija

SAMA Foreign Holdings

431

Iċ-Ċina

SAFE Investment Company

347

In-Norveġja

Gov't Pension Fund Global

326

Singapor

Gov't Investment Corporation

248

Ir-Russja

National Welfare Fund

220

Il-Kuwajt

Kuwait Investment Authority

203

5.3.   Il-perijodi ta’ investiment tagħhom ikun fit-tul u, fil-maġġoranza tal-każijiet, mingħajr lieva finanzjarja. Dawn għandhom tendenza li jkollhom tolleranza ogħla għar-riskju u li jistennew rendiment ogħla minn riżervi uffiċjali tradizzjonali amministrati mill-awtoritajiet monetarji. Dawn huma ġeneralment investituri passivi iżda jistgħu jkunu ta’ influwenza. Pereżempju, l-investimenti min-Norway Pension Fund huma soġġetti għal screening etiku b’konformità mal-PIR.

5.4.   It-tkabbir tal-SWF hija turija ta’ bidla ikbar fl-istruttura tal-finanzi dinjija. It-tbassir tal-IMF jindika li l-ġid globali tal-SWF ser jilħaq $6–10 triljuni fi żmien ħames snin. L-SWF għamlu sensiela ta’ investimenti kbar f’istituzzjonijiet finanzjarji li kellhom il-problemi matul il-kriżi. L-emerġenza ta’ dawn il-fondi hija fattur ċentrali fl-investiment finanzjarju u meta jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji, dawn se jaqdu rwol prinċipali fit-tfassil tal-ekonomija dinjija.

5.5.   Ħafna gvernijiet tal-OECD enfasizzaw l-importanza li l-SWF jiġu mmonitorjati u possibbilment regolati. Hemm it-tħassib li l-SWF huma theddida għas-sigurtà nazzjonali u n-nuqqas ta’ trasparenza żied mal-kontroversja. Min-naħa tiegħu, dan jixpruna l-protezzjoniżmu u n-nazzjonaliżmu ekonomiku fil-pajjiżi riċevituri. Tħassib ieħor huwa n-nuqqas ta’ responsabbiltà li jista’ jwassal biex l-SWF joħolqu distorsjoni fis-swieq finanzjarji jew li jiddestabbilizzawhom. Dan it-tħassib jista’ jittaffa minn żvelar governattiv. Il-ħolqien ta’ metodu għall-iżvelar li jkun trasparenti, kredibbli u affidabbli jista’ jnaqqas il-biċċa l-kbira tat-tħassib.

5.6.   M’hemm l-ebda evidenza sostantiva li l-SWF jagħmlu investimenti għal raġunijiet politiċi jew strateġiċi.

L-azzjoni strateġika minn xi pajjiżi tal-iżvilupp tidher li ttieħdet mill-intrapriżi tal-Istat iktar mill-SWF. L-akkwisti tal-Gazprom huma każ partikolari, kif kien it-tentattiv li falla min-naħa taċ-Chinalco biex jixtri parti mir-Rio Tinto. Iċ-Ċina qed tagħmel ħilitha biex tiżgura r-riżervi tal-enerġija madwar id-dinja billi toffri l-kreditu lill-gvernijiet permezz taż-żewġ banek ta’ politika tagħha – iċ-China Development Bank u l-Export-Import Bank of China.

5.7.   Mill-2008 ’l hawn kien hemm inizjattiva doppja internazzjonali biex jiġu regolarizzati r-relazzjonijiet bejn il-fondi u l-pajjiżi tal-OECD. L-OECD żviluppat linji gwida għall-pajjiżi riċevituri filwaqt li l-IMF ħadem mal-grupp ta’ ħidma internazzjonali (IWG) tal-SWF biex jiżviluppa l-prinċipji ta’ Santiago relatati:

mal-qafas legali u l-objettivi tal-fond,

mal-qafas istituzzjonali u l-istruttura governattiva,

mal-qafas ta’ investiment u l-ġestjoni tar-riskju.

5.8.   Sabiex l-investiment tal-SWF jaqdi rwol sħiħ fl-ekonomiji tal-OECD, dawn iridu jtejbu t-trasparenza u l-għoti tal-informazzjoni, speċjalment dik relatata mal-governanza, l-istrateġija u l-objettivi tal-investiment. Dawn ikunu jridu wkoll jerġgħu jaffermaw l-impenn tagħhom għall-ekonomija tas-suq li jippermettilhom il-libertà li jinvestu. Il-gvernijiet tagħhom iridu jkunu lesti jaċċettaw investimenti reċiproċi mill-ekonomiji tal-OECD.

5.9.   Fil-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma internazzjonali (IWG) fil-Kuwajt f’April 2009, l-SWF waqqfu forum ta’ rappreżentanza permanenti biex javvanza l-ħidma tal-grupp. Filwaqt li l-prinċipji huma pass importanti ’l quddiem, għad hemm x’irid isir rigward:

ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi riċevituri,

il-kondizzjonijiet u l-istandards tal-iżvelar,

l-istandards tal-konformità, il-miżuri u s-sanzjonijiet.

Mingħajr din it-trasparenza addizzjonali, l-SWF jistgħu jkunu fattur ta’ destabbilizzazzjoni fil-makroekonomija.

5.10.   Fil-livell tal-kumpaniji, l-SWF mhumiex aġenti diretti tal-bidliet industrijali għalkemm indirettament huma investituri importanti fl-AIF. Madankollu, bit-tisħiħ tal-poter ekonomiku tagħhom, dawn qed isiru azzjonisti importanti f’kumpaniji ewlenin. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-SWF isegwu d-direzzjoni tan-Norway Pension Fund u jadottaw il-PIR.

5.11.   Din hija analiżi SWOT minn WMP dwar l-SWF, b’noti mir-relatur:

Mikrodimensjoni

Punti ta’ Saħħa (Strengths)

Orjentazzjoni lejn il-perijodu fit-tul

Xerrej tal-“aħħar istanza”

Żieda fir-riżorsi finanzjarji

Tisħiħ tar-rabta mas-swieq industrijali

Punti ta’ Dgħufija (Weaknesses)

Nuqqas ta’ awtonomija tal-partijiet interessati nazzjonali

Nuqqas ta’ trasparenza

Iż-żewġ kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati mill-prinċipji ta’ Santiago

Dimensjoni usa’

Opportunitajiet (Opportunities)

Orjentazzjoni lejn il-partijiet interessati

Inġinerija finanzjarja soda

Dħul għal swieq ġodda

Influwenza potenzjali fuq l-AIF

Theddid (Threats)

Enfasi fuq l-objettivi politiċi – intenzjonijiet inċerti dwar il-perijodu fit-tul

Konċentrazzjoni ta’ ġid barra l-kontroll demokratiku

Indirizzati parzjalment mill-prinċipji ta’ Santiago

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(2)  ĠU L 10, 16.1.1998, p. 22.

(3)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(4)  ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.

(5)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 15 Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – It-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta’ riskju COM(2007) 853 finali.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri?”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/11)

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali: kif għandhom jinqasmu l-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri?

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 voti favur, 1 vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Is-suġġett tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja

1.1.   Fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu “Programm għall-Ewropa: Proposti tas-soċjetà ċivili” (CESE 593/2009), il-KESE enfasizza l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) kif imniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif definiti fil-Protokoll anness mat-Trattat ta’ Lisbona.

1.2.   Dan il-protokoll dwar is-SIĠ huwa innovazzjoni importanti tat-Trattat ta’ Lisbona minħabba li jkopri s-SIĠ kollha u jintroduċi għall-ewwel darba fi Trattat il-kunċett ta’ “servizzi non-ekonomiċi ta’ interess ġenerali” (SNEIĠ) meta mqabbla mas-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ)”.

1.3.   Il-protokoll mhuwiex sempliċiment dikjarazzjoni interpretattiva tat-Trattati u tal-valuri komuni tal-Unjoni dwar is-SIĠ, iżda huwa sett ta’ struzzjonijiet indirizzati lill-Unjoni u lill-Istati Membri. B’mod konsistenti huwa jpoġġi lill-utent u lis-sodisfazzjon tal-bżonnijiet, tal-preferenzi u tad-drittijiet tiegħu fil-qalb tad-dispożizzjonijiet, u jistabbilixxi l-prinċipji komuni għal livell għoli f’termini ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ aċċessibbiltà, tat-trattament indaqs u tal-promozzjoni tal-aċċess universali.

1.4.   Fil-“Programm għall-Ewropa” tiegħu, il-KESE jipproponi li titħejja inizjattiva Komunitarja biex tabilħaqq jinbeda dibattitu dwar it-twaqqif ta’ linji gwida dwar is-SIĠ, minħabba l-importanza tagħhom għall-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-għan tal-promozzjoni tal-aċċess universali u tad-drittijiet tal-utent kif imniżżla fit-Trattat ta’ Lisbona.

1.5.   Permezz tal-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, it-Trattat ta’ Lisbona għall-ewwel darba qed idaħħal bażi legali għall-applikazzjoni ġenerali fir-rigward tas-SIEĠ għal min ifassal il-leġiżlazzjoni Komunitarja; din hija bażi legali distinta minn dik dwar is-suq intern li biha twaqqfu d-direttivi settorjali tal-liberalizzazzjoni tas-SIEĠ tan-netwerks (komunikazzjoni elettronika, elettriku, gass, trasport pubbliku, posta).

1.6.   L-imsemmi Artikolu 14 jiffoka fuq il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji neċessarji biex il-missjoni speċifika li ngħatat lis-SIEĠ titwettaq sew u jsejjaħ lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex ifasslu leġiżlazzjoni dwar dan permezz ta’ regolamenti.

1.7.   B’segwitu għall-“Programm għall-Ewropa”, f’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja l-KESE jindirizza l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tat-Trattat ta’ Lisbona u jipproponi li jiġi studjat il-valur miżjud u x’jista’ jkun il-kontenut ta’ inizjattivi leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jiġu ċċarati l-punti li ġejjin:

min jiddefinixxi s-servizzi ta’ interess ġenerali, l-għanijiet, il-missjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom?

x’forom tista’ tieħu din id-definizzjoni?

f’liema oqsma jistgħu jkunu meħtieġa s-SIĠ Komunitarji sabiex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Unjoni?

2.   Definizzjoni, għanijiet, ħidmiet u responsabbiltajiet tas-SIĠ

2.1.   Il-protokoll anness mat-Trattat ta’ Lisbona jintroduċi għall-ewwel darba l-kunċett tas-“servizzi non-ekonomiċi ta’ interess ġenerali (SNEIĠ)”, filwaqt li s’issa t-Trattati rreferew biss għas-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ)”.

2.2.   Il-protokoll dwar is-SIĠ anness mat-Trattat ta’ Lisbona jikkonferma, minn naħa, ir-responsabbiltà esklussiva tal-Istati Membri għas-SNEIĠ (bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali tal-liġijiet Komunitarji), u min-naħa l-oħra “ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet tal-utenti”. Madanakollu l-protokoll xorta waħda ma jagħmilx distinzjoni preċiża bejn servizz ekonomiku u servizz non-ekonomiku.

2.3.   Sa mit-Trattat ta’ Amsterdam (1997), ġie stabbilit b’mod ċar fit-Trattat tal-KE (Artikolu 16) li l-Unjoni u l-Istati Membri jaqsmu l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet fil-qasam tas-SIEĠ, sal-punt li skont it-Trattat tal-KE, “l-Unjoni u l-Istati Membri, skont il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom”.

2.4.   Iżda dan it-tqassim tal-kompetenzi għadu ’l bogħod milli jkun ċar u dan joħloq inċertezzi għal dawk kollha kkonċernati (l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jipprovdu s-servizzi, l-aġenziji regolatorji, l-utenti, is-soċjetà ċivili) li jwasslu għal żieda qawwija f’domandi preliminari u kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Peress li l-Qorti tiġġudika każ b’każ, skont il-liġijiet eżistenti, li ma tantx huma żviluppati f’dak li għandu x’jaqsam mas-SIĠ/SIEĠ, u l-każistika ta’ qabel, il-gvern u l-awtoritajiet lokali jidhru li qed ikunu soġġetti dejjem aktar għall-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni, speċjalment jekk l-attivitajiet tas-servizz pubbliku jitwettqu ma’ msieħba oħra.

2.5.   Ir-referenza għall-ħtiġijiet tal-utenti, kemm individwi kif ukoll professjonisti, għandha titqies bħala element ċentrali li għandu jiġi rispettat, għax l-istabbiliment tas-SIEĠ huwa ġustifikat biss jekk iwettaq missjonijiet ta’ interess ġenerali għas-servizz tal-benefiċjarji ewlenin ta’ dawn is-servizzi.

2.6.   Id-definizzjoni tan-natura u tal-firxa ta’ missjoni tas-SIEĠ f’oqsma ta’ azzjoni partikolari li, jew ma jaqgħux taħt is-setgħat tal-Komunità, jew inkella huma bbażati fuq kompetenza Komunitarja limitata jew kondiviża, għandhom fil-prinċipju jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

2.7.   Il-protokoll jistieden lill-istituzzjonijiet Komunitarji, u b’mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea, iqisu d-“diversità” bejn is-SIEĠ u “d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi tal-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti”.

2.8.   Waqt li tkun qed tikkontrolla li r-regoli tat-Trattat fil-qasam tad-definizzjoni tas-SIEĠ ikunu qed jiġu rispettati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ser ikollha tqis iktar il-loġika pubblika u l-għażliet demokratiċi ta’ kull Stat Membru. Il-firxa, il-kontenut u l-metodi użati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni ta’ “żball ovvju” għandhom għalhekk jiġu adattati sabiex, kemm jista’ jkun, jiġu evitati l-kunflitti u t-tilwim.

2.9.   Is-SIĠ u s-SIEĠ kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza doppja li qed tfixkel it-twettiq tal-missjonijiet tagħhom dwar:

il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali;

il-karattru ekonomiku jew non-ekonomiku tas-servizzi, li jiddetermina liema korp ta’ leġiżlazzjoni japplika għalihom.

2.10.   Għalhekk huwa importanti li, kif imniżżel fl-Artikolu 14 tat-Trattat ta’ Lisbona, l-inizjattiva jew inizjattivi leġiżlattivi adottati jġibu magħhom iċ-ċarezza u l-garanziji meħtieġa, u fl-istess waqt iqisu n-natura u l-karatteristiċi speċifiċi tat-tipi differenti ta’ SIEĠ (servizzi soċjali, miżuri għad-dħul fid-dinja tax-xogħol, għajnuna għal persuni żvantaġġati jew b’diżabilità, djar soċjali, eċċ.). L-għan mhuwiex li tinkiseb uniformità bejn is-SIEĠ madwar l-UE kollha, iżda li jkun hemm rabta bejn l-unità u d-diversità. L-unità permezz ta’ ċerti regoli komuni fl-oqsma ewlenin, u d-diversità kemm settorjali kif ukoll nazzjonali.

3.   Tipi ta’ definizzjonijiet

3.1.   Il-poter diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri biex jiddeterminaw x’jikkostitwixxi SIEĠ jew le, ma jeħlishomx milli, f’każ ta’ eżistenza ta’ u l-ħtieġa li tiġi protetta missjoni SIEĠ, jikkontrollaw li din tal-aħħar tissodisfa ċerti kriterji minimi komuni għall-missjonijiet SIEĠ kollha fit-tifsira tat-Trattat tal-KE, kif imniżżel fil-każistika, u milli juru li dawn il-kriterji qed jiġu verament rispettati f’dak il-każ partikolari.

3.2.   B’mod partikolari huwa l-każ tal-preżenza ta’ att uffiċjali nazzjonali li jafda missjoni SIEĠ f’idejn l-operaturi in kwistjoni kif ukoll tal-firxa tal-applikazzjoni u tat-tip ta’ missjoni. Dan l-att uffiċjali, stabbilit mill-awtorità pubblika kompetenti, għandu jorbot legalment bil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru: liġi, regolament, kuntratt, ftehim, eċċ.

3.3.   L-Istat Membru għandu jindika, abbażi tal-liġijiet Komunitarji, dawk il-missjonijiet partikolari ta’ interess ġenerali li hu jqis li, minħabba l-karattru speċifiku tagħhom, ħaqqhom jiġu kkwalifikati bħala SIEĠ u distinti minn attivitajiet ekonomiċi oħra tas-suq ħieles.

3.4.   Għall-kuntrarju, jekk l-Istat Membru ma jagħtix prova li l-kriterji huma sodisfatti, jew jekk ma jkunx qed jirrispettahom, dan jista’ jikkostitwixxi żball ovvju ta’ evalwazzjoni, li dwaru l-Kummissjoni trid tieħu sanzjonijiet.

3.5.   Stat Membru jista’ jagħżel li jwettaq missjoni SIEĠ permezz ta’ diversi operaturi ta’ settur partikolari mingħajr ma jkun obbligat li lil kull operatur tingħatalu l-missjoni separatament b’att jew mandat individwali.

3.6.   Dawn id-dispożizzjonijiet kollha joriġinaw mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Ewropea iżda mhumiex stabbiliti b’mod ċar u kkonsolidati bil-leġiżlazzjoni sekondarja, li jwassal għal inċertezzi fil-leġiżlazzjoni mill-partijiet ikkonċernati differenti - jew almenu dan huwa l-mod kif jaħsbuha xi wħud fosthom.

3.7.   Fid-Direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern, fir-rigward tas-servizzi soċjali, issir distinzjoni bejn, minn naħa fornituri tas-servizzi mqabbda mill-Istat u assoċjazzjonijiet karittativi rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, u mill-oħra, dawk li jipprovdu servizzi li m’għandhomx mandat jew rikonoxximent uffiċjali.

3.8.   Skont id-dokument ta’ ħidma tagħha SEC(2007)1516 (li huwa disponibbli bl-Ingliż biss), il-Kummissjoni tqis li l-mandat huwa l-att uffiċjali li jafda f’idejn l-intrapriża t-twettiq ta’ SIEĠ, li jindika l-missjoni ta’ interess ġenerali tal-intrapriża kkonċernata, kif ukoll il-firxa u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-funzjonament tas-SIEĠ.

3.9.   Skont interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-mandat jimplika obbligu, li jiġi l-ewwel u qabel kollox, li jingħata s-servizz jew li s-servizz ikun disponibbli, mingħajr ma ssir distinzjoni jew li titqies in-natura speċifika tas-servizz. Il-Kummissjoni tgħid li dan l-obbligu li jingħata servizz ma jgħoddx għall-assoċjazzjonijiet karitattivi li huma rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, għalkemm ma ġewx stipulati l-kundizzjonijiet u l-forom meħtieġa biex jinkiseb l-istatus ta’ karitattivi.

3.10.   Barra minn hekk, dejjem skont il-Kummissjoni, “approvazzjoni” li tingħata minn awtorità pubblika lil fornitur tas-servizzi li tawtorizzah jipprovdi ċerti servizzi ma tiswiex ta’ mandat u ma toħloqx obbligu għall-operatur li jipprovdi s-servizzi kkonċernati. Iżda l-kunċett ta’ approvazzjoni lanqas huwa definit, la fil-leġiżlazzjoni primarja u lanqas f’dik sekondarja.

3.11.   Għal darb’oħra l-unika soluzzjoni tkun il-kjarifika ta’ kull każ individwali, skont it-tilwim li jinqala’ u d-deċiżjonijiet li jittieħdu, filwaqt li inizjattiva leġiżlattiva, b’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tista’ twassal għal ċarezza u sigurtà ġuridika.

3.12.   Din it-tip ta’ kjarifika, mitluba mill-partijiet ikkonċernati, għandha tqis is-sitwazzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri, fosthom l-istorja, it-tradizzjonijiet u l-mod kif tiġi organizzata s-soċjetà u tiggarantixxi l-kontinwità tagħhom fejn ikunu ġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali u ta’ kwalità tas-servizz.

4.   Servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali

4.1.   F’żewġ opinjonijiet riċenti (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Konsegwenzi soċjali tal-iżvilupp fil-binomju tat-trasport u l-enerġija”, CESE 1293/2008 u dwar “il-Green Paper – Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva”, CESE 1029/2009. Ir-relatur taż-żewġ opinjonijiet kienet is-Sinjura Batut), il-KESE sostna li għandhom isiru studji dwar kemm hu possibbli li jitwaqqaf SIĠ Ewropew għall-enerġija li jkun jista’ jintuża għas-servizz tal-politika komuni tal-enerġija.

4.2.   Fil-Green Paper tagħha “Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva”, il-Kummissjoni targumenta favur it-twaqqif ta’ Operatur tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Ewropea billi progressivament tinħoloq kumpanija indipendenti li tkun inkarigata milli tamministra netwerk unifikat tat-trasport tal-gass mal-UE kollha.

4.3.   Tajjeb li jiġi nnutat li minħabba li huma maqbuda bejn differenzi nazzjonali u ħtiġijiet komuni għat-twaqqif ta’ suq uniku Ewropew, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali jew l-Istati Membri qed ibatu biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-idea ta’ servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali (ekonomiċi jew le). Għaldaqstant l-idea li jinħolqu servizzi Ewropej tal-enerġija għadha ma ntlaqgħetx tajjeb minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi.

4.4.   Madanakollu s-SIĠ Komunitarji huma neċessarji biex jitkompla l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Servizzi ta’ dan it-tip ser ikunu t-turija tas-solidarjetà Ewropea biex tilqà l-isfidi li qed ikollha tiffaċċja l-Unjoni f’oqsma essenzjali u multinazzjonali jew transnazzjonali bħalma huma s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, li r-riżorsi tal-ilma jsiru sikuri, il-preservazzjoni tal-bijodiversità, iż-żamma tal-kwalità tal-arja, is-sigurtà interna u esterna, eċċ. Dawn huma servizzi li ma jistgħux jieħdu ħsiebhom organizzazzjonijiet fil-livelli nazzjonali jew lokali, u ma jolqtux servizzi lokali, bħal pereżempju s-servizzi soċjali, jew servizzi ta’ interess ġenerali li huma esklussivament lokali, reġjonali jew nazzjonali.

4.5.   F’dan il-kuntest, il-KESE jiddikjara li hu favur sħubijiet pubbliċi (Unjoni u Stati Membri) – privati biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u naslu għal ġestjoni integrata tan-netwerks interkonnessi tal-enerġija (gass, elettriku, żejt) kif ukoll l-iżvilupp ta’ netwerks tal-enerġija minn turbini tar-riħ fil-baħar u l-wind farms li jingħaqdu man-netwerk fuq l-art, li jistgħu jnaqqsu sostanzjalment l-ispejjeż tal-operat u tal-investiment u jħeġġu investimenti fi proġetti ġodda ta’ netwerks.

4.6.   Fil-qasam tal-kompetenzi ta’ kull Stat Membru, pereżempju fil-qasam tat-taħlita tal-enerġija, il-kwistjonijiet soċjali u dawk tas-soċjetà mqajma bil-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi naturali, tal-enerġija nuklejari, tal-bidla fil-klima u tal-ġestjoni sostenibbli u tas-sigurtà, ma jieqfux fil-fruntieri tradizzjonali tal-Istati u l-uniku mod kif jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti huwa permezz ta’ kunċett Ewropew għall-interess ġenerali u s-servizzi xierqa.

4.7.   Il-fatt li huma l-Istati Membri li fil-prinċipju għandhom il-kompetenza li jiddefinixxu s-SIEĠ ma jneħħi xejn mill-kompetenza tal-UE li tiddefinixxi, fil-livell tagħha, is-SI(E)Ġ kull meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni u meta l-azzjoni tkun proporzjonata għall-għanijiet tagħha. Il-leġiżlazzjoni primarja, sekondarja u l-każistika jħallu l-possibilità lill-Unjoni biex fir-rwol tagħha ta’ awtorità pubblika fl-oqsma fejn għandha kompetenza espliċita, jew anke kompetenza limitata jew kondiviża, tkun tista’ tipprovdi, twettaq, torganizza u tiffinanzja dawn is-servizzi fl-istess kundizzjonijiet u bl-istess regoli bħal dawk tal-Istati Membri.

4.8.   L-Artikolu 16 tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi b’mod ċar il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri billi jippreċiża li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha, kull wieħed minnhom fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu ħsieb li s-SIEĠ jaħdmu fuq il-bażi ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jippermettulhom jilħqu l-missjonijiet tagħhom.

4.9.   Is-SIEĠ jaqgħu taħt l-ambitu ta’ għadd ta’ għanijiet tal-Unjoni Ewropea (ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-promozzjoni tal-benesseri taċ-ċittadini, il-ġustizzja soċjali, il-koeżjoni soċjali, eċċ.) li huma indispensabbli għas-soċjetà. Għaldaqstant l-Unjoni, li hi responsabbli għall-promozzjoni tal-livell tal-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja fit-territorju Ewropew kollu, għandha wkoll ċerti responsabbiltajiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrumenti għat-twettiq tad-drittijiet fundamentali u tal-koeżjoni soċjali.

4.10.   It-Trattati jiddefinixxu b’mod ċar il-kompetenzi tal-UE, li xi wħud minnhom, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistgħu jimplikaw il-ħolqien ta’ servizzi, korpi, aġenziji, eċċ. fil-livell Komunitarju (il-politika tat-trasport, in-netwerks trans-Ewropej, il-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien tal-konsumaturi, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, is-sigurtà interna u esterna, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, eċċ.)

4.11.   Anke jekk għal ċerti servizzi bħall-aġenziji Komunitarji, fosthom dawk inkarigati mis-sigurtà marittima, tal-ikel, ferrovjarja, dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE, jew is-servizzi “Ajru uniku” jew “Galileo”, ma saritx referenza legali għas-SIĠ jew is-SIEĠ, in-natura ta’ dawn is-servizzi tikkorrispondi għal interess ġenerali Ewropew.

4.12.   Minflok ma jiġi adottat approċċ difensiv, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, mingħajr preġudizzju lejn l-istatut tal-operaturi, jagħrfu l-eżistenza u l-ħtieġa ta’ servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali fl-oqsma fejn l-azzjoni tal-UE hija aktar effettiva biex tilħaq l-għanijiet tagħha mill-azzjoni ta’ kull Stat Membru li jkun qed jaġixxi separatament.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-Président tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 128/12)

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 ta’ Frar 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it--12 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’108 voti favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza kulturali, politika u soċjali tas-siti tan-netwerking soċjali (SNS) fuq l-Internet, bħala mezz ta’ komunikazzjoni u interazzjoni bejn persuni li jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom tal-espressjoni.

1.2.   Il-Kumitat jinnota wkoll il-benefiċċji ekonomiċi marbuta mat-tkabbir tas-SNS, speċifikament il-potenzjal tagħhom għal tipi differenti ta’ komunikazzjoni kummerċjali u ta’ marketing.

1.3.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-aspetti pożittivi tat-tkabbir tas-SNS, speċifikament il-kontribut tagħhom għall-garanzija tal-libertà tal-espressjoni f’ċerti sitwazzjonijiet politiċi u biex in-nies ikunu jistgħu jeżerċitaw dik il-libertà, għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-komunitajiet fuq l-Internet biex in-nies ikunu jistgħu jiltaqgħu jew jerġgħu jiskopru ħbieb u membri tal-familja, għall-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jqiegħdu lill-minorenni fir-riskju u biex il-minorenni jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna permezz ta’ dawn in-netwerks kif ukoll sabiex jaqsmu l-informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ saħħa.

1.4.   Madankollu, fl-istess ħin, il-Kumitat jixtieq iżid il-leħen tiegħu ma’ dawk tal-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-familji u l-membri individwali tal-pubbliku li jkunu esprimew tħassib sod dwar ir-riskju tal-użu illegali u abbużiv tas-SNS, li jinjoraw għadd ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem.

1.5.   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-riskji marbuta mal-użu tas-SNS mill-minorenni u membri oħra vulnerabbli tal-pubbliku, speċifikament il-persuni b’livell baxx ta’ litteriżmu diġitali, li ħafna drabi jisfgħu vittmi tan-nies li jisfruttawhom biex jieħdu sehem f’attivitajiet illegali li joffendu d-dinjità personali tagħhom u jqiegħdu fil-periklu l-benesseri fiżiku u mentali tagħhom u saħansitra ħajjithom.

1.6.   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea, u b’mod partikolari dawk li twettqu mid-DĠ għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja u d-DĠ tal-Ġustizzja, biex jiffaċilitaw il-ftehimiet bejn il-provvedituri ta’ dawn in-netwerks fil-forma ta’ Kodiċi ta’ Kondotta u Prattika tajba.

1.7.   Iżda l-KESE jqis li l-azzjoni min-naħa tal-UE u l-Istati Membri għandha tissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun infurmat aħjar dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tas-SNS u dwar il-prattiki tajbin li għandhom jiġu adottati.

1.8.   Il-Kumitat iqis wkoll li għandhom isiru aktar sforzi biex iż-żgħażagħ jiġu pprovduti b’edukazzjoni iktar komprensiva sa mill-iktar snin bikrija tal-iskola, biex jingħata appoġġ aħjar lill-familji, minħabba l-importanza tal-monitoraġġ mill-ġenituri u s-superviżjoni tal-użu tal-internet miż-żgħażagħ, biex jiġu żviluppati għodod li jibblokkaw l-aċċess jew jiffilterjaw, biex tiġi żgurata prevenzjoni aħjar tar-riskji u biex il-prattiki illegali jew dannużi f’dan il-qasam jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv.

1.9.   F’dan ir-rigward il-KESE jqis li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti direttament fit-tfassil tal-mudelli operattivi kif ukoll fil-moderazzjoni u l-konklużjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mas-SNS, minħabba li ser ikunu huma li probabbilment ser jifhmu bl-aktar mod effettiv u mgħaġġel il-kwistjonijiet li jinħolqu f’dan il-qasam filwaqt li jipproponu soluzzjonijiet adatti.

1.10.   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem fuq l-istudju dettaljat tal-fenomenu tas-SNS, sabiex tikseb fehim bir-reqqa tas-sitwazzjoni, speċifikament dwar l-implikazzjonijiet kulturali, soċjali u ekonomiċi tagħha u l-użu potenzjali tagħha fil-promozzjoni tad-dibattitu ġenerali dwar il-kwistjonijiet importanti bħat-tibdil fil-klima, jew l-inizjattiva “Ninfurmaw dwar l-Ewropa”.

1.11.   Il-KESE jirrakkomanda li minbarra l-prattiki ta’ awtoregolamentazzjoni tajba, il-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koregolamentazzjoni li jwasslu sabiex kull ftehim li jiġi ffirmat dwar prattika tajba jiġi mmonitorjat b’mod adatt, sabiex jiġi evitat il-ksur, jinqered l-abbuż u t-trasgressuri jiġu ppenalizzati b’mod effettiv. Fil-każ ta’ attivitajiet kriminali li twettqu simultanjament fl-Istati Membri kollha bl-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, l-UE issa tista’ tersaq lejn sistema ta’ inkriminazzjoni u penalitajiet armonizzati ġestiti b’mod koordinat mill-korpi nazzjonali responsabbli.

1.12.   Għaldaqstant, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, bħala segwitu għall-konsultazzjoni pubblika li saret f’Lulju 2008, tabbozza Green Paper dwar is-siti tan-netwerking li tippreżenta l-għażliet prinċipali għall-ħidma futura, fejn jiġu analizzati l-implikazzjonijiet ta’ dawn is-siti. Il-proċess tal-abbozzar jinvolvi wkoll li jinstemgħu l-fehmiet tad-diversi organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati.

1.13.   Il-KESE jirrakkomanda li titqies il-possibbiltà li jinħatar Ombudsman Komunitarju inkarigat mill-kwistjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-protezzjoni tad-data u l-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u s-settur awdjoviżiv b’responsabbiltà speċifika għas-siti tan-netwerking.

1.14.   Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tal-politiki tagħhom fil-livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit qafas legali konsistenti li jindirizza dawn is-sitwazzjonijiet, bil-għoti ta’ poteri li għandhom jiġu eżerċitati b’mod koordinat mir-regolaturi nazzjonali eżistenti jew il-ħolqien ta’ mekkaniżmi regolatorji adatti.

1.15.   B’mod partikolari, il-Kumitat jitlob lill-Membri tal-Parlament Ewropew biex iqiegħdu lil dawn il-kwistjonijiet ġodda fil-quċċata tal-aġendi politiċi tagħhom, biex jiġi rifless it-tħassib dejjem ikbar tas-soċjetà ċivili.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Is-suġġett ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa l-impatt fuq il-pubbliku/konsumatur mis-SNS, li huma essenzjalment servizzi fuq l-internet biex jiġu stabbiliti u jintrabtu komunitajiet ta’ persuni li jkollhom attivitajiet jew interessi komuni jew li sempliċement jixtiequ jesploraw interessi u attivitajiet ta’ persuni oħra u li jipprovdu firxa ta’ funzjonijiet li jippermettu l-interazzjoni bejn l-utenti http://www.saferinternet.org/ww/en/pub/insafe/safety_issues/faqs/social_networking.htm.

2.2.   In-netwerking soċjali nfirex b’rata mgħaġġla: 211-il miljun persuna, li jgħoddu għal madwar tliet kwarti tal-utenti kollha tal-internet – stmati għal total ta’ 282,7 miljun – li suppost jużaw dawn is-servizzi tal-internet b’mod regolari. Dawn jintużaw l-iktar minn żgħażagħ bejn l-età ta’ sittax-il sena u ’l fuq; għalkemm dan is-settur kiber, xi servizzi għandhom rata ta’ lealtà relattivament baxxa. Il-Kummissjoni Ewropea (1) tikkalkula li n-netwerks soċjali jiġbdu madwar 40 miljun utent regolari fl-Ewropa, għalkemm għandu jiġi nnotat li s-sena l-oħra l-użu żdied b’madwar 35 % u huwa maħsub li sal-2012 l-għadd tal-utenti ser jirdoppja u fuqhom, biex jitla’ għal 107,4 miljuni.

2.3.   Fl-istess ħin, id-ditti multinazzjonali ġew konvinti minn dan il-fenomenu, u qed jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom, kultant b’modi inġusti. Jekk inħarsu lejn il-kampanja ta’ Obama, il-partiti politiċi ddeċidew jagħmlu użu minn dawn is-servizzi l-ġodda kif rajna fl-elezzjonijiet ta’ dan l-aħħar tal-Parlament Ewropew. Saħansitra l-Vatikan sar membru tal-Facebook (Pope2you.net).

2.4.   Fi ftit kliem, il-karatteristiċi ewlenin tas-SNS huma ġeneralment is-servizzi b’xejn, it-tkabbir rapidu u esponenzjali fl-għadd tal-utenti, il-valur finanzjarju meraviljuż tagħhom, il-fatt li huma faċli ħafna biex jintużaw u d-disponibbiltà tal-funzjonijiet li jippermettu l-interazzjoni bejn l-utenti tas-servizz.

2.5.   Din l-opinjoni teżamina l-iktar inizjattivi reċenti tal-Komunità, tevalwa l-qafas legali attwali, tanalizza r-riskji involuti fl-użu tas-SNS u tagħmel rakkomandazzjonijiet u proposti għal miżuri biex tittejjeb is-sigurtà tal-utenti u l-fiduċja tagħhom f’mezz tax-xandir ta’ dan it-tip.

3.   L-impatt tas-SNS u r-riskji assoċjati

3.1.   Is-servizzi tas-SNS ibbażati fuq l-internet huma fenomenu soċjali relattivament ġdid, li t-teknoloġija tagħhom qed tevolvi b’mod kostanti, u huwa rikonoxxut ġeneralment li qed ibiddlu l-mod li bih jirrelataw u jinteraġixxu n-nies fuq l-internet.

3.2.   Skont l-istudju tal-ComScore, u sabiex nifhmu kompletament l-iskala tal-fenomenu, il-Facebook waħdu, li huwa servizz tan-netwerking soċjali u s-sitt l-ikbar sit li jżuruh l-utenti fid-dinja, jirċievi madwar 275 miljun hit fix-xahar. Fl-Ewropa, il-Facebook ġie aċċessat minn madwar 100 miljun persuna fi Frar 2009, li jgħodd għal madwar erba’ minuti għal kull 100 minuta fuq l-internet u jirrappreżenta iktar minn 30 % tal-ħin kollu li tqatta’ fis-SNS, meta mqabbel ma’ biss 12 % is-sena l-oħra.

3.3.   L-aspetti pożittivi tan-netwerks soċjali ħadd ma jista’ jiċħadhom, speċifikament il-kontribut tagħhom lejn:

i)

il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni f’ċerti sitwazzjonijiet soċjali u politiċi;

ii)

l-iżvilupp u l-konnessjoni bejn komunitajiet fuq l-internet;

iii)

is-sejba u l-laqgħat ma’ ħbieb u membri tal-familja u l-opportunità biex jikkomunikaw ma’ xulxin;

iv)

il-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jġibu magħhom ir-riskji għall-minorenni u li jippermettu lill-minorenni jitolbu l-għajnuna permezz tas-SNS, kif ukoll

v)

il-promozzjoni tal-prodotti u s-servizzi u xprun għall-kummerċ elettroniku.

3.4.   Madankollu, u minkejja l-aspetti pożittivi li ssemmew hawn fuq, huwa importanti li nżommu quddiemna r-riskji assoċjati mal-użu tas-SNS għal finijiet illegali jew malizzjużi, speċifikament għall-iżvilupp tal-minorenni (2). Dawn jinkludu:

i)

it-trawma psikoloġika kkawżata minn insulti li jsiru permezz ta’ dawn is-servizzi;

ii)

il-fastidju sesswali tat-tfal u ż-żgħażagħ;

iii)

l-impustar ta’ ritratti jew vidjows ta’ adoloxxenti għarwenin jew nofshom għarwenin, li jkunu ttieħdu minnhom stess jew minn persuni oħra;

iv)

ir-reklamar espliċitu għall-prostituzzjoni u s-servizzi ta’ “skorta”;

v)

il-ksur frekwenti tal-privatezza, ir-riputazzjoni u d-dinjità personali;

vi)

l-attakki fuq il-benesseri fiżiku u mentali tal-utenti tas-siti;

vii)

it-tixwix għall-vjolenza, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

viii)

it-tifrix ta’ ideoloġiji totalitarjani li jkunu ta’ natura faxxista jew li jikkostitwixxu apoloġija għan-Naziżmu: u

ix)

is-suwiċidji minn żgħażagħ, allegatament għax ċerti dettalji intimi jkunu ħarġu fil-pubbliku permezz ta’ dawn in-netwerks.

3.5.   Għandha titqies ukoll il-ġenerazzjoni l-ġdida tat-teknoloġiji użati fis-SNS, speċifikament l-applikazzjonijiet li jwasslu sabiex l-utenti ta’ netwerks ta’ dan it-tip jiġu “geotagged”, applikazzjonijiet li jużaw teknoloġiji li jagħrfu l-uċuh biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu konnessi ma’ kontijiet tas-SNS u l-opportunitajiet il-ġodda għall-interazzjoni pprovduti mill-aħħar ġenerazzjoni tat-telefowns ċellulari.

3.6.   Hemm ukoll il-fatt li dan it-tip ta’ netwerk faċilment jintuża biex jinfirxu l-viruses, bħall-virus li laqat lit-Twitter fi tmiem il-ġimgħa tal-11/12 ta’ April 2009 u li awtomatikament imposta iktar minn 100 000 messaġġ, dannu lil kontijiet ta’ utenti mingħajr għadd.

3.7.   Bħala parti mill-Forum għal Internet iktar Sikur 2009 (Safer Internet Forum (3)), il-Kummissjoni Ewropea ressqet għall-konsultazzjoni pubblika (4), sondaġġ li jindirizza l-kwistjoni tan-netwerks soċjali u t-tweġibiet li daħlu (5) jiżvelaw li s-“cyberbullying”, l-invażjoni tal-privatezza u l-“grooming” huma meqjusa bħala l-ikbar perikli u l-iktar perikli komuni li jiffaċċjaw il-minorenni meta jużaw is-SNS.

3.8.   Fir-rigward tas-“cyberbullying” (6), 54 % tal-ġenituri Ewropej huma mħassba li t-tfal jistgħu jisfgħu vittma ta’ din il-prattika. ’Il fuq minn 80 % tal-ġenituri fi Franza, il-Greċja u l-Portugall huma mħassba li t-tfal tagħhom jistgħu jiffaċċjaw il-problema tal-bullying meta jużaw l-internet jew it-telefowns ċellulari. F’xi pajjiżi li għandhom tradizzjoni qawwija ta’ protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-apprezzament tal-edukazzjoni, bħad-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja, il-ġenituri juru li għandhom iżjed fiduċja li t-tfal tagħhom se jużaw l-internet b’mod sikur, u 69 % mhumiex imħassba dwar is-cyberbullying potenzjali.

3.9.   Fir-Renju Unit, skont il-konklużjonijiet ta’ sondaġġ reċenti mmirat lejn 2 000 żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-età ta’ 11 u 18-il sena, wieħed minn kull tliet żgħażagħ kienu vittma tas-cyberbullying permezz tas-SNS u l-messaġġi testwali (SMS), fejn il-bniet ikollhom erba’ darbiet iċ-ċans daqs is-subien li jsoffru minn dan it-tip ta’ abbuż.

3.10.   Il-protezzjoni tal-ħajja privata hija waħda mill-problemi ewlenin assoċjati mal-użu tas-SNS. Matul it-30 konferenza internazzjonali tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u l-ħajja privata fi Starsburgu bejn il-15 u s-17 ta’ Ottubru 2008, ġiet adottata riżoluzzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata fis-servizzi tan-netwerking soċjali (7), li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jistħoqqilhom kunsiderazzjoni partikolari.

3.11.   Il-ftehim bejn l-operaturi tas-SNS prinċipali tal-Ewropa dwar l-awtoregolamentazzjoni, bl-isem ta’ “Prinċipji ta’ Netwerking Soċjali iktar Sikur għall-UE”, li ġie ffirmat fl-10 ta’ Frar 2009 (8), s’issa ġabar 20 firmatarju; dan jidentifika wkoll ir-riskji potenzjali għall-minorenni taħt it-18-il sena li jużaw dawn is-siti: l-intimidazzjoni (l-intimidazzjoni tat-tfal fis-siti tal-internet jew bil-messaġġi bl-SMS), il-manipulazzjoni psikoloġika (adult li jsir ħbieb ma’ tifel jew tifla bil-ħsieb ta’ abbuż sesswali) u l-imġiba riskjuża, bħall-għoti ta’ informazzjoni personali għal finijiet illeċiti.

4.   Is-seduta promossa mill-KESE

4.1.   In-natura stess tal-fenomenu soċjali inkwistjoni u l-iżvilupp mgħaġġel tagħha qajmu l-bżonn li tiġi organizzata seduta, bħala parti mill-proċess tat-tfassil tal-opinjoni. Din is-seduta saret fil-KESE u attendew uħud mill-iktar partijiet interessati rappreżentattivi fit-tħaddim u l-użu tas-SNS – l-NGOs u l-konsumaturi, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni, l-ENISA, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

4.2.   It-tweġibiet bil-miktub għall-kwestjonarju li kien intbagħat minn qabel, id-diversi fehmiet li ssemmgħu u l-laqgħa mqanqla tal-ideat u l-proposti (Sommarju ta’ din jinstab fuq is-sit tal-internet tal-KESE: http://www.eesc.europa.eu/sections/ten/index_en.asp? id =7000tenen), lkoll għamlu kontribtut deċiżiv u ferm utli għall-abbozzar ta’ din l-opinjoni u wrew biċ-ċar l-importanza ta’ dan it-tip ta’ avveniment, ibbażat fuq il-konsultazzjoni diretta mal-partijiet interessati rilevanti tas-soċjetà ċivili meta jsiru suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet lill-politiċi kif ukoll lill-operaturi u lill-utenti nnifishom, fejn jidħlu s-SNS.

4.3.   Ta’ min jenfasizza l-qbil tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data mal-biċċa l-kbira ta’ suġġerimenti li saru f’din l-opinjoni minbarra l-progress konsiderevoli li diġà twettaq mill-Kummissjoni għad-definizzjoni ta’ xi wħud mill-objettivi iktar ċari u oħrajn li għadhom fil-fażi tal-ippjanar, li jawgura sew għall-kooperazzjoni produttiva immens bejn l-istituzzjonijiet fil-ġejjieni.

5.   Il-miżuri meħtieġa u r-riżultati li jistgħu jiġu mistennija

5.1.   Il-KESE jirrikonoxxi u jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal li jużaw l-internet, u jtenni d-direzzjoni tal-opinjoni tiegħu tal-2008 dwar il-proposta li kienet qed tiġi kkunsidrata dak iż-żmien għal programm Komunitarju Multiannwali għall-protezzjoni tat-tfal li jużaw l-internet u teknoloġiji oħrajn tal-komunikazzjoni (9).

5.2.   Il-Kumitat jinnota wkoll iż-żmien propizju u l-utilità tal-inizjattiva għall-awtoregolamentazzjoni msemmija hawn fuq, speċjalment is-sensiela ta’ miżuri li tinkludi għat-tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskji prinċipali.

5.3.   Rigward il-proċess tal-implimentazzjoni tal-Programm għal Internet iktar Sikur (2009–2013), il-KESE jixtieq jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħaħ id-djalogu mal-partijiet prinċipali attivi fin-netwerks soċjali, jiġifieri ż-żgħażagħ, u jħeġġiġhom jinvolvu ruħhom fid-diskussjoni, it-tfassil u l-produzzjoni ta’ soluzzjonijiet biex jiġi żgurat użu iktar sikur tal-internet.

5.4.   F’dan ir-rigward il-KESE jqis li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti direttament fit-twaqqif tal-mudelli operattivi kif ukoll fil-moderazzjoni u l-konklużjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mas-SNS, billi x’aktarx jinsabu fl-aħjar qagħda biex jifhmu bl-aktar mod effettiv u mgħaġġel is-sitwazzjonijiet diffiċli li jinħolqu f’dan il-qasam.

5.5.   Il-Kumitat jipproponi wkoll li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà tat-twaqqif ta’ kors internazzjonali jew Ewropew għat-taħriġ ta’ konsulenti u terapisti speċjalisti biex jassistu lill-vittmi tal-internet, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ bullying jew grooming. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Programm għal Internet iktar Sikur jinkludi inizjattivi għall-konsulenza ġenerali u programmi tal-internet intiżi għat-tfal u l-adoloxxenti bħala kontribut biex jiġi evitat li jiġru sitwazzjonijiet bħal dawn.

5.6.   Bħala parti oħra mill-implimentazzjoni tal-Programm għal Internet iktar Sikur (2009–2013), il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza li jitnedew inizjattivi għat-titjib fil-litteriżmu diġitali, speċifikament rigward l-użu sikur tas-SNS, immirati mhux biss lejn it-tfal u l-adoloxxenti iżda wkoll immirati lejn il-popolazzjoni ġenerali, speċjalment il-ġenituri, li huma responsabbli mill-edukazzjoni tat-tfal, kif ukoll l-utenti anzjani.

5.7.   Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-operaturi tan-netwerking soċjali għandhom jipprattikaw l-awtoregolamentazzjoni, b’mod partikolari rigward il-protezzjoni tal-minorenni, iżda bil-ħtieġa li l-konformità tagħhom tiġi mmonitorjata independentement, bil-possibbiltà li jiġu imposti standards minimi legali għall-protezzjoni.

5.8.   Il-Kumitat huwa favur l-iżvilupp ta’ skemi ta’ awtoregolamentazzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-koregolamentazzjoni kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll dak nazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji biex tiġi żgurata konformità sħiħa ma’ kull ftehim li jiġi konkluż, il-prevenzjoni tal-abbuż, is-sanzjonijiet f’każ ta’ ksur u l-penalizzazzjoni ta’ min jikser il-liġi mill-pari tagħhom.

5.9.   Il-KESE jieħu nota u jaċċetta l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Riżoluzzjoni tal-Protezzjoni tal-Ħajja Privata fis-Servizzi tan-Netwerks Soċjali, adottata fis-17 ta’ Ottubru 2008 matul it-30 konferenza internazzjonali tal-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data u l-ħajja privata (10), fl-Artikolu 29 tal-opinjoni dwar in-netwerks soċjali fuq l-internet (11) tal-Grupp ta’ Ħidma u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċetta dawn ir-rakkomandazzjonijeit u tiżgura li l-operaturi jadottawhom.

5.10.   Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li hemm bżonn isir iktar biex tittejjeb l-informazzjoni u l-edukazzjoni, sa mill-ewwel snin tal-iskola, biex tittejjeb mhux biss il-prevenzjoni tar-riskju iżda wkoll biex jittejbu l-modi kif jintużaw dawn is-SNS. Għal dan il-għan, għandhom jiġu organizzati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-livell Komunitarju u fid-diversi Stati Membri. F’dan ir-rigward, u biex jiġu komplementati l-inizjattivi li għandhom jitwettqu taħt il-“Programm għal Internet iktar Sikur”, ikun siewi li tinħareġ “eYouGuide” immirata speċifikament lejn l-utenti tas-SNS soċjali: tip ta’ portal għad-drittijet tal-utenti tan-netwerks soċjali li jipprovdi opportunità għar-rappurtar dwar l-abbuż u biex jiġi riżolt it-tilwim fil-livell pan-Ewropew – fi kliem ieħor, sit uniku li jagħmilha possibbli li jiġu “amministrati” d-drittijiet tal-utenti, tiġi evalwata l-koordinazzjoni Komunitarja, jiġu diskussi tipi ta’ azzjoni u politiki u tiġi evalwata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

5.11.   Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li l-programmi Komunitarji ta’ riċerka u żvilupp u l-operaturi nnifishom għandhom jinvestu aktar fl-iżvilupp u l-irfinar ta’ strumenti tekniċi għall-filtering u l-imblokkar tal-aċċess biex b’hekk il-familji, b’mod prudenti iżda konsistenti jkunu jistgħu japplikaw il-prinċipju tal-prekawzjoni.

5.12.   Konxju tan-natura dejjem differenti u dinamika ta’ dan il-fenomenu, il-KESE kieku jilqa’ b’sodisfazzjon Green Paper mill-Kummissjoni li, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li twettqet f’Lulju 2008, tressaq l-għażliet prinċipali għall-iżviluppi futuri, tanalizza l-impatti tagħhom u jżomm konsultazzjoni estensiva mad-diversi intrapriżi, professjonisti, akkademiċi u organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet kkonċernati tas-soċjetà ċivili.

5.13.   F’dan ir-rigward, ta’ min jikkunsidra l-għażla tat-twaqqif ta’ qafas legali li jkun konsistenti għall-UE kollha kemm hi, imsejsa fuq kooperazzjoni u koordinazzjoni iktar stretta tal-politiki nazzjonali. Wieħed mill-aspetti li jistħoqqlu attenzjoni speċjali jirrigwarda t-termini kuntrattwali tas-sħubija f’netwerks bħal dawn, fejn klawsoli abbużivi huma normali, speċifikament rigward il-liġi applikabbli u l-awtorità kompetenti.

Billi dan huwa essenzjalment fenomenu internazzjonali, fejn is-SNS prinċipali jkunu soġġetti għall-ġurisdizzjonijiet lil hinn mill-fruntieri tal-UE, il-Kumitat iqis li huwa kruċjali li jiġu promossi dawn il-miżuri li ġejjin:

5.14.1.   It-twaqqif ta’ prinċipji u regoli ta’ kondotta għas-SNS fil-livell internazzjonali, speċjalment għas-servizzi mmirati lejn il-minorenni;

5.14.2.   L-istituzzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ regoli bħal dawn; minħabba n-natura ta’ dawn is-servizzi, din għandha ssir bil-fors fuq bażi transkonfinali;

5.14.3.   It-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi, kemm Ewropej kif ukoll mhux Ewropej, fil-livelli politiċi u operattivi, biex jiġu identifikati r-riskji u l-problemi assoċjati mal-użu tas-SNS, biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għal dawn is-sitwazzjonijiet u sa fejn jippermetti l-qafas legali internazzjonali, biex jitneħħew b’mod effettiv sitwazzjonijiet li jistgħu jiksru d-drittijiet taċ-ċittadini/konsumaturi.

5.15.   Il-Kumitat jixtieq ukoll jixħet id-dawl fuq il-bżonn ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali adatta bejn id-diversi partijiet ikkonċernati, sabiex jiġi massimizzat l-effett tal-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat użu iktar sikur tal-internet (12). Dan ser jeħtieġ approċċ internazzjonali iktar proattiv biex jiġi żgurat li qed isir it-tqassim u l-iskambju tal-għarfien, li qed jiġu kkoordinati l-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u li qed jinkiseb il-finanzjament meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha.

5.16.   Il-KESE josserva wkoll il-bżonn li l-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-kriminalità fuq l-internet (Cybercrime) u dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Esplojtazzjoni u l-Abbuż Sesswali (13), li għandhom jirrappreżentaw pass kbir ’il quddiem biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tippreżenta front unit fix-xena internazzjonali.

5.17.   Fl-aħħar nett, il-KESE jistaqsi jekk, flimkien mal-inizjattivi deskritti hawn fuq, għandhiex tiġi kkunsidrata l-għażla li l-poteri li llum huma mifruxa fost diversi korpi jitwessgħu u jingħaqdu, billi jinħatar ombudsman Komunitarju biex jindirizza l-kwistjonijiet kollha fil-qasam awdjoviżiv, bħall-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, id-dinjità umana, id-dritt ta’ tweġiba, il-libertà tal-espressjoni, eċċ., li jkopru wkoll in-netwerks soċjali, b’mod simili, f’termini tal-liġi komparattiva, għall-mudell Kanadiż tal-Kummissarju għall-ħajja privata, li dan l-aħħar dehret fl-aħbarijiet minħabba fl-azzjoni tagħha kontra l-Facebook – turija tas-setgħat estensivi tagħha – li allegatament żammew id-data personali b’mod mhux adatt (14).

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  IP/09/232 Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

(2)  Dwar dan il-punt, ara r-rapport ippubblikat mill-ENISA (European Network and Information Security Agency) intitolat “Security Issues and Recommendations for Online Social Networks” www.enisa.europa.eu/doc/pdf/deliverables/enisa_pp_social_networks.pdf.

(3)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/events/forum/forum_sepet_2008/index_en.htm.

(4)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/policy/consultations/ageverif_sns/index_en.htm.

(5)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/pub_consult_age_rating_sns/summaryreport.pdf.

(6)  Sondaġġ Flash tal-Ewrobarometru 2008: Towards a Safer Use of the Internet for children in the EU – a parents' perspective, http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_248_en.pdf.

(7)  Riżoluzzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ħajja Privata fis-Servizzi tan-Netwerking Soċjali, http://www.privacyconference2008.org./adopted_resolutions/STRASBOURG2008/resolution_social_networks_en.pdf.

(8)  “Prinċipji għal Netwerking Soċjali iktar sikur għall-UE” http://ec.europa.eu/information_society/activities/social_networking/docs/sn_principles.pdf.

(9)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61.

(10)  It-test tad-deċiżjoni huwa disponibbli f’dan is-sit: http://www.privacyconference2008.org/adopted_resolutions/STRASBOURG2008/resolution_social_networks_en.pdf.

(11)  Opinjoni (2009 dwar SNS fuq l-internet; adottata fit-12 ta’ Ġunju 2009).

(12)  Il-pożizzjoni ta’ Janos Tóth, il-President tas-sezzjoni speċjalizzata TEN tal-KESE, f'opinjoni/dokument tal-KESE fuq inizjattiva proprja bl-isem ta’ “Preżentazzjoni Pubblika dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li jużaw l-Internet”, li tressqet fil-5 ta’ Mejju 2009 (informazzjoni disponibbli http://www.eesc.europa.eu/sections/ten/index_en.asp? id =4300003tenen)

(13)  http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/QueVoulezVous.asp? NT =201 & CL = ENG.

(14)  Ara http://www.priv.gc.ca/aboutUs/mm_e.cfm#contenttop, dwar l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħajja Privata tal-Kanada. Għall-azzjoni li ħadet dan l-aħħar kontra l-Facebbok ara http://www.priv.gc.ca/media/nr/-c/2009/nr-c_090716_e.cfm.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-457 sessjoni plenarja fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/74


L-457 SESSJONI PLENARJA FL-4 U L-5 TA’ NOVEMBRU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa”

COM(2008) 868 finali

(2010/C 128/13)

Relatur: is-Sinjura DRBALOVÁ

Nhar is-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa

COM(2008) 868 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-komunikazzjoni dwar il-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda hija inizjattiva f’waqtha u jaqbel mal-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità u ta’ mekkaniżmu tat-tbassir tal-ħiliet li jikkorrispondu mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali u tal-UE. It-tisħiħ tal-ħiliet fil-livelli kollha huwa fattur essenzjali kemm biex terġa’ tiġi stimulata l-ekonomija fil-perijodu l-qasir u għall-iżvilupp fit-tul, kif ukoll sabiex jiżdiedu l-produzzjoni, il-kompetittività u l-impjiegi u jiġu żgurati l-opportunitajiet indaqs u l-koeżjoni soċjali. Il-previzjoni għall-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol għandha l-limiti tagħha. Għalhekk huwa essenzjali li l-mekkaniżmi u l-istrumenti kkonċernati jkomplu jittejbu fuq bażi kontinwa.

1.2.   Il-KESE jaqbel mat-titjib addizzjonali propost mis-Cedefop dwar il-kwistjoni tal-previżjoni regolari tal-ħiliet fil-livell Ewropew. Dan jinkludi metodi u bażijiet tad-data u l-aġġornament konkorrenti tal-previżjoni tal-provvista u d-domanda sabiex l-iżbilanċji jkunu jistgħu jiġu analizzati. Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrakkomanda li t-terminu “ħiliet” jiġi definit iktar fid-dettall, billi jeżistu prattiki li jvarjaw skont l-Istati Membri.

1.3.   Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li ma jeżisti l-ebda strument għall-previżjoni preċiża tal-ħtiġijiet futuri, u li fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, id-diviżjoni reali tax-xogħol globali mhijiex stabbli fil-perijodu l-medju, filwaqt li l-edukazzjoni tingħata tul perijodu ta’ żmien li x’aktarx huwa ugwali għal dan il-“perijodu medju”.

1.4.   Il-KESE jaqbel mat-titjib tal-ħiliet u li dawn jiġu adattati għall-bżonnijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Madankollu, għandu jsir minn kollox biex jiġi sfruttat il-potenzjal attwali tas-suq tax-xogħol, biex tiżdied l-adattabbiltà tal-ħaddiema, biex jittejbu l-impjiegi atttwali, biex jinħolqu impjiegi produttivi ġodda u biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-suq “ekoloġiku” il-ġdid.

1.5.   Il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-idea ta’ sħubija u kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha. B’mod partikolari, jirrikonoxxi l-kontribut tal-imsieħba soċjali – bħala atturi prinċipali fis-suq tax-xogħol – u tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-attivitajiet fil-livell internazzjonali, speċjalment fejn jidħlu l-ILO u l-OECD.

1.6.   Il-Kumitat jisħaq b’mod partikolari fuq il-kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-istabbilimenti edukattivi u l-intrapriżi bil-għan li jkun hemm bidliet kostruttivi fis-sistemi edukattivi, biex jitnaqqas sew in-numru ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, biex is-suġġetti tekniċi jsiru iktar attraenti, biex l-apprendistati jittejbu, fl-istess ħin li jiġu previsti t-tendenzi fid-domanda għall-kwalifiki fis-swieq nazzjonali tax-xogħol u fil-ħiliet rilevanti sabiex tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjieg fl-UE, u biex sistemi bħal dawn jiġu adattati aħjar għall-prattika industrijali. Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq l-importanza tal-edukazzjoni bażika, t-taħriġ tal-għalliema u t-titjib tas-sistemi ta’ gwida għall-iżvilupp tal-karriera. Għandhom jiġu identifikati b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

1.7.   F’dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-summit straordinarju tal-UE dwar l-impjiegi li sar fi Praga f’Mejju 2009. L-għan tagħhom huwa t-titjib tal-ħiliet, l-investiment fl-edukazzjoni, l-appoġġ għall-mobbiltà fl-UE, il-previżjoni tad-domanda għall-ħiliet tax-xogħol u biex dawn jiġu kkoordinati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ apprendistati u l-esperjenzi tax-xogħol ta’ kwalità tajba.

1.8.   Il-Kumitat jilqa’ wkoll l-impenn li ttieħed mill-Istati Membri fil-Kunsill ta’ Mejju tal-ministri tal-edukazzjoni biex jinħoloq qafas Ewropew għal kooperazzjoni iktar mill-qrib fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jiġu definiti erba’ għanijiet strateġiċi li jagħtu spinta lill-kapaċità għall-impjieg u l-potenzjal intraprenditorjali ta’ dawk kollha li qed jibbenefikaw mill-edukazzjoni u t-taħriġ. F’dan ir-rigward, il-qafas Ewropew tal-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (CEC) (1) huwa importanti b’mod partikolari.

1.9.   Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Presidenza Svediża ddeċidiet li tinkludi fil-programm politiku tagħha konferenza intitolata: “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” li ser tiġi organizzata fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2009 u li ser tenfasizza l-ħtiġijiet futuri tas-suq tal-impjieg u r-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Il-kriżi finanzjarja dinjija daħħlet l-ekonomija tal-UE f’reċessjoni, u bagħtet lura lis-swieq tax-xogħol u l-impjiegi Ewropej. Il-qgħad bħalissa huwa stmat għal madwar 9,4 % għall-2009 u 10,9 % fl-2010.

2.2.   Il-Kummissjoni Ewropea irreaġixxiet bi Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (2) fejn enfasizzat approċċ ikkoordinat, stabbilixxiet għanijiet strateġiċi u pproponiet firxa sħiħa ta’ miżuri fl-erba’ oqsma prijoritarji tal-Istrateġija ta’ Lisbona.

2.3.   Wieħed mill-oqsma fejn ittieħdet l-azzjoni kien dak tal-ħarsien tal-impjiegi – u r-riżorsi umani – u l-appoġġ għall-intrapriża. Il-Kummissjoni Ewropea talbet għat-tnedija ta’ inizjattiva mifruxa fil-livell Ewropew biex tistimula l-impjieg u rrakkomandat, fost l-oħrajn, il-monitoraġġ tal-postijiet battala attwali u futuri u li jkun hemm reazzjoni aħjar għalihom bis-saħħa ta’ ħiliet usa’ u mtejba.

2.4.   L-iktar fattur importanti għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-prosperità huwa l-kapaċità tal-pajjiżi li joħolqu l-opportunitajiet għall-impjiegi ta’ kwalità. Il-politika tal-ħolqien tal-opportunitajiet tal-impjiegi u t-tkabbir tiddependi minn għadd ta’ fatturi fundamentali. Suq tax-xogħol modern, inklużiv, flessibbli u kompetittiv iħaddan firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u rwoli. Barra minn hekk, il-moviment ħieles tax-xogħol huwa wieħed mill-pilastri prinċipali tal-UE. L-għan huwa kemm li li ċ-ċittadini jsibuha iktar faċli biex jaħdmu fi Stati Membri oħrajn u biex tittejjeb l-offerta tal-impjieg, kif ukoll biex il-kumpaniji jsibu firxa iktar wiesgħa u versatili ta’ ħaddiema li jkunu adattati aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

2.5.   Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2009 jagħmluha ċara biżżejjed li hemm bżonn fokus fuq it-titjib tal-kapaċità tal-UE biex jiżdiedu l-ħiliet fil-livelli kollha u biex jiġu previsti u akkomodati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-parteċipanti ħeġġew ukoll lill-Istati Membri b’mod ċar biex jimplimentaw il-Linja Gwida Integrata nru 24 u jadattaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ vokazzjonali tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda.

2.6.   Fis-summit straordinarju tal-UE dwar l-impjiegi, li sar fi Praga fis-7 ta’ Mejju 2009 ġew adottati għaxar miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul u fil-qosor, li għandhom jiddaħħlu fil-livell nazzjonali u Ewropew bi ftehim mal-imsieħba soċjali. Erbgħa minn dawn il-miżuri jolqtu lill-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, l-apprendistati, l-iffaċilitar tal-mobbiltà u l-previżjoni aħjar tal-ħiliet u t-tqabbil tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

3.   Kummenti Generali

3.1.   Fl-2008, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni tagħha dwar Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa  (3), fejn, fil-kuntest tal-kriżi attwali, saħqet fuq il-bżonn li jissaħħaħ il-kapital uman u l-kapaċità għall-impjieg billi jissaħħu l-ħiliet. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-Unjoni fl-evalwazzjoni u l-previżjoni tal-ħiliet u t-tqabbil aħjar tagħhom għan-natura tal-impjiegi ġodda li nħolqu.

3.2.   Il-Kummissjoni tipproponi l-ewwel evalwazzjoni tal-ħiliet relatati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020, iżda tippreżenta wkoll proċess sistematiku għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol. Hija se tindirizza wkoll modi ġodda għall-kejl tal-ħiliet permezz tal-programm PROGRESS u oħrajn relatati mat-tagħlim tul il-ħajja.

3.3.   Il-Kummissjoni qed timmobilizza strumenti attwali biex timplimenta dawn il-proċessi b’mod effettiv u fl-istess ħin tfassal proċessi ġodda biex issaħħaħ jew tissemplifika l-proċess. Il-Kummissjoni tisħaq fuq il-politika tal-flessigurtà u l-implimentazzjoni tal-miżuri biex jissaħħu l-impjiegi. Fost l-istrumenti ġodda proposti dan l-aħħar hemm l-“Osservatorju għas-Suq tax-Xogħol Ewropew”, katalgu multilingwali standardizzat tas-snajja u l-ħiliet, u “Laqqa’ u Fassal”, strument biex jiffaċilita l-affarijiet għall-utenti tal-EURES. Hawnhekk jissemma’ wkoll ir-rwol kruċjali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Il-previżjoni tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol għandha l-limiti tagħha għalhekk huwa kruċjali li l-mekkanżmi u l-istrumenti kkonċernati jkomplu jittejbu fuq bażi kontinwa filwaqt li jsir monitoraġġ tal-kapaċita tal-assorbiment tad-diversi Stati Membri.

3.4.   Il-Kummissjoni għandha raġun tinsisti fuq l-importanza dejjem tiżdied tal-ħiliet transversali u tal-ħiliet mhux tekniċi (soft skills) pereżempju li wieħed ikun kapaċi jaħdem fi grupp, jaf il-lingwi u jkun kapaċi jikkomunika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-titjib tal-istandards u l-livelli li jinkisbu fil-kapaċità tal-qari, il-kitba u l-matematika (numeracy) sa minn età żgħira.

3.5.   It-twaqqif ta’ kunsilli għall-kwalifiki settorjali bis-saħħa ta’ ftehimiet li ntlaħqu fil-livell settorjali bejn min iħaddem, l-istabbilimenti tat-tagħlim u partijiet interessati oħra jidher li huwa prattika tajba. L-attività ta’ dawn il-kunsilli tista’ tiġi assoċjata mal-istrutturi tad-djalogu soċjali settorjali billi r-rwol tal-imsieħba soċjali f’dan ir-rigward huwa ferm importanti (4).

3.6.   Fil-Kunsill tal-ministri tal-edukazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2009, l-Istati Membri impenjaw ruħhom biex jaħdmu iktar mill-qrib fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-prijoritajiet li ġew adottati jirriflettu r-rwol importanti li għandhom jaqdu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fid-dibattitu ġenerali dwar il-politika ekonomika u l-politika soċjali. L-isfidi komuni huma dawn: 1) li tiġi żgurata forza tax-xogħol li jkollha l-ħiliet tajbin għall-impjiegi tal-ġejjieni, 2) li jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ, u 3) li jkun hemm kompetizzjoni dinjija msaħħa.

3.7.   Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet bil-għan li jsaħħaħ is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-imsieħba soċjali. Aspett importanti tar-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-koeżjoni soċjali huwa l-kapaċità li l-ħaddiema jiksbu bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jgħinuhom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u ma joħorġux minnu. Għalhekk l-imsieħba soċjali, li huma l-atturi prinċipali fis-suq tax-xogħol, għandhom rwol importanti.

4.   Fatti u figuri

4.1.   Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ta’ Ġunju 2008 – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, b’enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ (inizjattiva tal-impjiegi u l-ħiliet) – il-Kunsill tal-UE kkonferma t-talba tiegħu għal analiżi komprensiva tal-ħiliet meħtieġa fl-Ewropa sal-2020 (5).

4.2.   Għaldaqstant, is-Cedefop wettaq analiżi tal-ħiliet meħtieġa għall-perijodu bejn l-2006 (6) u l-2020 li tkopri 27 pajjiż tal-UE kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-analiżi tipprevedi l-ħolqien ta’ 20,3 miljuni impjiegi addizzjonali sal-2020. 85 miljun impjieg addizzjonali ser jiġu minn “sostituzzjonijiet” (impjiegi li saru disponibbli minħabba ħaddiema li ħarġu bil-pensjoni jew li ħarġu mis-suq tax-xogħol, li fil-fatt ma jistgħux jitqiesu bħala impjiegi ġodda). Fl-2020, is-servizzi huma mistennija jgħoddu għal tliet kwarti tal-impjiegi kollha.

4.3.   Bħalissa, kważi 40 % tan-nies huma impjegati f’impjiegi bħall-maniġment, ix-xogħol professjonali jew impjiegi tekniċi li jirrikjedu ħiliet ta’ livell għoli. Fl-għaxar snin li ġejjin, huwa mistenni li se jiżdiedu l-impjiegi li jirrikjedu ħiliet ta’ livell għoli jew medju. Mistennija żieda wkoll f’xi impjiegi li ma jirrikjedux kwalifiki jew li jirrikjedu biss livell baxx ta’ edukazzjoni.

4.4.   Jekk din it-tendenza tibqa’ prominenti, dawn il-bidliet ser iwasslu għal polarizzazzjoni fit-tkabbir tal-impjiegi. Il-polarizzazzjoni ser twassal għal domanda dejjem iktar dgħajfa għal impjiegi li jinvolvu kompiti sempliċi ta’ rutina u dawk li jeħtieġu livell medju ta’ ħiliet, għalkemm ħaddiema ġodda mħarrġa ser ikunu meħtieġa minħabba l-għadd imdaqqas ta’ ħaddiema ħerġin bil-pensjoni.

4.5.   Fl-istess ħin, qed jintalbu kwalifiki ogħla f’kull tip ta’ professjoni – inklużi dawk fl-aħħar tal-lista ta’ kwalifiki. Din it-tendenza li jittejbu l-ħiliet ġejja mid-disponibbiltà stess tal-ħiliet. B’mod ġenerali, il-livell tal-edukazzjoni għola tul dawn l-aħħar għaxar snin – billi, pereżempju, ħafna nies fl-Istati Membri għażlu li jidħlu fis-sistema tal-edukazzjoni għolja u billi l-ġenerazzjoni ta’ qabel, ġeneralment b’inqas kwalifiki, bdew ħerġin mis-suq tax-xogħol.

4.6.   Madankollu, il-konklużjonijiet tas-Cedefop jenfasizzaw b’leħen wieħed iż-żieda ġenerali u fit-tul tal-livelli ta’ kwalifiki għal ħafna mill-impjiegi jew għall-maġġoranza tagħhom. Skont il-previżjoni tagħha, kważi 91 % tal-postijiet battala fil-perijodu bejn l-2006 u l-2020 ser jeħtieġu edukazzjoni għolja jew sekondarja. L-istruttura tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol kif qiegħda llum ser ikollha tinbidel fl-għaxar snin li ġejjin, billi dejjem iktar postijiet battala – sa 55 miljun – ser jeħtieġu kwalifiki ta’ livell medju (inkluż it-taħriġ vokazzjonali). Inqas minn għaxar miljun impjieg ser ikunu disponibbli għal dawk li għandhom ftit li għandhom ftit jew l-ebda livell ta’ edukazzjoni.

4.7.   L-istatistika tal-Eurostat turi li mill-2000 l-UE kellha suċċess fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Hemm ukoll korrelazzjoni pożittiva bejn il-figuri tal-impjiegi għal dawk b’edukazzjoni universitarja u t-tkabbir fl-impjiegi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, ir-rata ta’ impjieg għal dawn in-nies żdiedet iktar miż-żieda ġenerali fl-impjieg. F’Malta pereżempju, ir-rata ta’ impjieg għal dawk li għandhom edukazzjoni universitarja żdiedet b’iktar mid-doppju ta’ dik li kienet fl-2000, filwaqt li r-rata ġenerali tal-impjieg żdiedet biss bi 12 %. Ta’ min jinnota wkoll it-tendenza opposta, il-ħolqien ta’ impjiegi prekarji.

4.8.   Ir-riżultati tas-Cedefop jimplikaw għadd ta’ konsegwenzi:

id-domanda ġenerali għall-ħiliet ser tkompli tiżdied.

il-politiki ser ikollhom jiżguraw li l-forza tax-xogħol tkun adattabbli għal dawn id-domandi. Ikun utli li nkunu nafu jekk is-sitwazzjoni ta’ konġestjoni fis-suq tax-xogħol hijiex temporanja u tranżitorja jew hijiex fenomenu fit-tul li jeħtieġ miżuri mmirati.

it-taħriġ kontinwu u t-tagħlim tul il-ħajja għandhom jgħinu biex jiżguraw li l-ħiliet tan-nies ikunu dejjem aġġornati skont il-bidliet strutturali fis-suq tax-xogħol.

l-għadd ta’ żgħażagħ deħlin fis-suq tax-xogħol fl-għaxar snin li ġejjin ma jissodisfax il-ħtiġijiet kollha tas-suq tax-xogħol. Dan ser ikollu implikazzjonijiet għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. It-tagħlim tul il-ħajja huwa fundamentali.

huma kemm huma importanti l-edukazzjoni u t-taħriġ għal reazzjoni aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq, ma jistgħux isolvu l-problema tal-kwalifikazzjoni żejda jew nieqsa.

huwa importanti li ssir evalwazzjoni tajba tal-ħiliet, biex it-telf tal-ħiliet ikun limitat u biex nisfruttaw il-ħiliet disponibbli.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   L-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżgura tqabbil bejn il-ħiliet offruti u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-tneħħija tal-ostakli, inklużi dawk amministrattivi, għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE, flimkien ma’ informazzjoni iktar trasparenti dwar it-tendenzi tas-suq tax-xogħol, jgħinu l-promozzjoni tal-mobbiltà (7) okkupazzjonali, settorjali u ġeografika u jiżguraw tqabbil aħjar bejn il-ħiliet tan-nies u l-opportunitajiet għall-impjieg. Huwa importanti wkoll li tissaħħaħ il-mobbiltà tranżitorja – jiġifieri it-tħaffif tat-tranżizzjoni għal impjieg ta’ kwalità tajba meta l-ħaddiema jingħataw is-sensja minħabba nuqqas ta’ xogħol, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sigurtà (il-kunċett tal-flessigurtà).

5.2.   Id-dokument ta’ ħidma li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (8) jipproponi definizzjoni tal-kwalifiki, tal-għarfien, tal-kapaċitajiet u tal-ħiliet; madankollu, il-prattika turi li dawn it-termini huma marbuta ma’ approċċi li jvarjaw skont l-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tesprimi b’mod iktar ċar x’għandu jinfiehem b’ħiliet fil-komunikazzjoni tagħha.

5.3.   L-Ewropa kienet qed tiffaċċja l-problemi fil-qasam tal-ħiliet anke qabel il-kriżi attwali. Iktar minn għaxar snin ilu, l-istituzzjonijiet u l-maniġers tal-kumpaniji nnotaw li l-Ewropa ma kinitx qed tipproduċi, tattira jew iżżomm biżżejjed xjentisti, inġiniera u speċjalisti tal-IT għall-ħtiġijiet tal-industrija tagħha. Is-sitwazzjoni bdiet tilħaq punt kritiku u l-figuri juru li għad hemm nuqqas ta’ interess fid-dixxiplini tax-xjenza min-naħa taż-żgħażagħ. In-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa mis-suq Ewropew qed jikber u hija sitwazzjoni li tista’ xxekkel bil-kbir il-progress tal-Ewropa lejn il-kompetittività. Livell adegwat ta’ ħiliet, aċċess aħjar għall-informazzjoni u t-titjib tal-istrutturi għandu jkollhom effett pożittiv, speċjalment għall-SMEs.

5.4.   L-immigranti minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-iżvilupp tal-Unjoni, speċjalment fil-kuntest tal-iskarsezza dejjem tiżdied tal-impjiegi f’ħafna pajjiżi. L-approċċ il-ġdid tal-UE lejn il-migrazzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi u l-fluss tat-talent minn partijiet oħra tad-dinja jista’ jkun biss soluzzjoni temporanja. L-esperjenza ser turina jekk il-Karta l-Blu hijiex ser tgħin lill-Ewropa tirbaħ il-ġlieda għar-riżorsi tat-talent. Bħalissa l-Ewropa timpjega biss 2 % tal-impjegati bi kwalifiki għolja minn pajjiżi terzi.

5.5.   Billi l-Ewropa bħalissa għaddejja minn taqlib kbir, in-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa jitlob iżjed attenzjoni u viżibbiltà. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha potenzjal addizzjonali fil-perijodu medju u fit-tul li toħloq kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi “ta’ sostituzzjoni”. Madankollu, il-previżjoni tal-ħolqien nett tal-impjiegi tindika polarizzazzjoni, b’żieda qawwija fl-impjiegi li jirrikjedu livelli ogħla ta’ kwalifiki.

5.6.   It-tnaqqis fl-għadd ta’ ħaddiema fi żmien meta d-domanda qed tonqos hija soluzzjoni mijopika għall-aħħar. It-tisħiħ tal-ħiliet huwa proċess fit-tul li jqum ħafna flus, kemm jekk jinvolvi l-edukazzjoni formali (primarja, sekondarja u terzjarja) kif ukoll jekk jinvolvi l-kumpaniji (il-kultura tal-kumpaniji, il-partikolaritajiet tal-organizzazzjoni, ir-relazzjonijiet mal-klijenti, eċċ). L-irkupru ekonomiku ma jkunx possibbli jekk il-kumpaniji jkollhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet adegwati.

5.7.   Xenarju li jipprevedi u li jħares ’il quddiem jeħtieġ azzjoni konġunta mill-gvernijiet u mis-settur privat:

bidla fl-allokazzjoni tal-fondi tal-FSE lejn it-taħriġ u l-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet fil-perijodu 2007–2013;

it-tnedija ta’ azzjoni konġunta u sħubijiet bejn is-settur privat u s-settur pubbliku;

l-introduzzjoni ta’ politika konġunta biex jitnaqqas l-għadd ta’ studenti li jħallu l-iskola qabel iż-żmien u biex iż-żgħażagħ jibdew jinteressaw ruħhom fil-matematika u x-xjenza u f’karriera fl-inġinerija, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-ħarsien ambjentali;

it-tisħiħ u l-iżvilupp tas-sħubija bejn l-iskejjel u l-universitajiet f’livell għoli permezz ta’ postijiet tax-xogħol li jġibu l-istudenti, speċjalment fl-aħħar xhur tal-istudju tagħhom, f’kuntatt dirett mad-dinja tax-xogħol li għaliha jkunu ħejjewhom l-istudji tagħhom;

l-appoġġ għall-mobbiltà tal-ħiliet fl-Ewropa;

it-tisħiħ ta’ approċċ innovattiv fl-edukazzjoni, inklużi l-e-tagħlim u t-tagħlim mill-bogħod;

l-użu tal-potenzjal tal-gruppi marġinali (minħabba l-faqar, il-qgħad, id-diżabbiltà, id-diskriminazzjoni …), li jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ u li diġà hemm baġit għall-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid;

il-ġestjoni tat-taħriġ għall-immigranti.

5.8.   L-Ewropa għandha ttejjeb il-Piramida tal-Ħiliet (9) tagħha – il-litteriżmu u l-ħiliet bażiċi, l-għarfien professjonali u t-talenti relatati mal-Għarfien Ekonomiku Ġenerali. F’ħafna pajjiżi, il-piramida attwali tal-ħiliet sfortunatament mhijiex biżżejjed biex tissodisfa l-ambizzjonijiet tal-UE.

5.9.   Biex l-Ewropa tipproduċi, tħares u żżomm il-ħiliet li teħtieġ, ser ikollha timplimenta sensiela ta’ miżuri rilevanti li jolqtu kemm il-provvista kif ukoll id-domanda. Id-domanda ser tintlaqat b’mod ċar mill-ħtiġijiet tas-setturi tat-tkabbir, il-prijoritajiet internazzjonali u lokali fit-tul li qed jevolvu malajr, kif ukoll it-tendenzi oħra ddettati mir-riżorsi dinjija jew l-iżvilupp demografiku. Min-naħa tal-provvista, il-forza tax-xogħol tal-Ewropa ser tissawwar l-iktar mit-tendenzi demografiċi, mil-livell baxx ta’ mobbiltà u mill-ħila tal-Ewropa li toħloq il-ħiliet li teħtieġ.

5.10.   Il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza tat-taħriġ għall-għalliema. (10) L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema għandhom jiġu integrati fil-politiki ewlenin tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-kummerċ. Parti mit-taħriġ li jingħataw l-għalliema għandu jwassalhom sabiex jifhmu aħjar il-bidliet fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet korrispondenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

5.11.   L-imsieħba soċjali jaqdu rwol ċentrali f’dan ir-rigward. Il-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi u l-istabbilimenti tal-edukazzjoni għandha tiġġenera riżultati tanġibbli, speċjalment fit-tfassil tas-sillabi tal-iskejjel u t-twaqqif ta’ sistema ta’ snajja u kwalifiki fil-livell nazzjonali. Dawn għandhom jirriflettu d-domanda ta’ min iħaddem fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ kompiti speċifiċi fuq il-post tax-xogħol. Huwa importanti li l-apprendisti jkunu mħarrġa sew, li l-ħaddiema żgħażagħ ikollhom taħriġ fuq il-post tax-xogħol (placement) u li s-snajja meħtieġa jsiru iktar attraenti. Il-Kummissjoni għandha tiffoka qabel kollox fuq il-kompiti li għandhom jitwettqu fil-livell tal-intrapriża u mbagħad fuq il-ħiliet. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-ħtiġijiet tal-kumpaniji ż-żgħar u l-kbar.

5.12.   L-Ewropa ser ikollha tikkunsidra wkoll l-impatt tal-addattar għat-tibdil fil-klima fuq l-impjiegi. It-tisħin globali ser ikollu effett detrimentali sew fuq diversi aspetti u proċessi tal-manifattura. Il-Kummissjoni Ewropea diġà qed twettaq bosta analiżi dwar il-kunċett il-ġdid ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħolqien relatat ta’ impjiegi ekoloġiċi u industriji ekoloġiċi. L-ewwel riżultati juru provvista fqira ta’ data, nuqqas ta’ preċiżjoni u diverġenza kbira fil-previżjoni dwar kif it-tibdil fil-klima ser jolqot is-swieq tax-xogħol. Il-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju għandha titqies bħala proċess fit-tul li s-swieq tax-xogħol se jadattaw ruħhom għalih gradwalment.

5.13.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tiffoka prinċipalment fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u t-titjib tal-ħiliet għal dawn l-impjiegi l-ġodda. Barra minn hekk, l-UE għandha tagħmel użu effettiv mill-potenzjal attwali tas-suq tax-xogħol u ttejjeb il-ħiliet u l-adattabbiltà tal-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg jew qegħdin fil-periklu li jitilfuh. Għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-iżvilupp mill-ġdid tal-ħiliet, lit-taħriġ addizzjonali u lit-tagħlim tul il-ħajja. Min-naħa l-oħra, l-UE għandha tkun kapaċi tistabbilixxi qafas biex jinħolqu impjiegi produttivi, ta’ kwalità għolja u li jitħallsu tajjeb.

5.14.   L-inizjattivi biex jittejbu l-ħiliet għandhom jirriflettu l-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tal-individwu. L-edukazzjoni hija importanti ħafna kemm għall-kapaċità tan-nies li jagħżlu kif ukoll għall-kapaċità tal-iżvilupp personali. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni għandha r-rwol li tikkomunika l-għarfien u l-ħiliet lill-individwi. Dawn jaqdu rwol essenzjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet dejjem jinbidlu u b’hekk jiġi żgurat livell ta’ impjieg għoli.

5.15.   Il-politiki tat-titjib tal-ħiliet u l-adattabbiltà tal-forza tax-xogħol għandhom jissejsu fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Dan iffisser li jinqered kull ostaklu eżistenti fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll fil-kumpanija. Dawk li jintlaqtu l-ikta ħażin minn dawn l-ostakli huma gruppi vulnerabbli b’mod partikolari bħall-ħaddiema ta’ età avvanżata u l-persuni b’diżabbiltà.

5.16.   Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ministri tal-edukazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2009 jenfasizzaw ukoll ir-rwol importanti tal-imsieħba soċjali. Fid-djalogu soċjali Ewropew, l-imsieħba soċjali Ewropej jiffokaw b’mod partikolari fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ kif inhuma relatati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Fl-2002, abbozzaw flimkien Qafas ta’ Azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kwalifiki u fl-2006 wettqu analiżi ta’ elementi ewlenin fis-suq tax-xogħol li ser ikunu s-sors ta’ attivitajiet konġunti fit-tielet programm ta’ ħidma tagħhom għall-2009–2010: Ftehim awtonomu dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi u rapport dwar l-impjieg.

5.17.   Il-konklużjonijiet tal-Kunsill inkludew ukoll appell biex tissaħħaħ is-sħubija mas-soċjetà ċivili u biex il-partijiet rilevanti kollha – il-kumpaniji, l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg eċċ. – jaħdmu flimkien. Kollaborazzjoni mal-NGOs u l-inizjattivi soċjali rilevanti tista’ tikkumplementa d-djalogu soċjali tradizzjonali.

5.18.   Wieħed mill-ikbar benefiċċji tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell Ewropew huwa l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), li għandu jagħmel kontribut biex il-kwalifiki jsiru iktar trasparenti u ċari u biex b’hekk tiżdied il-mobbiltà fl-Ewropa.

5.19.   Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) wera li huwa strument effettiv fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-Ewropa għat-taħriġ. Fil-ġejjieni dan jista’ jittejjeb bit-tnaqqis fil-burokrazija u x-xogħol doppju fl-inizjattivi tal-fondi strutturali, kif ukoll mill-involviment ikbar tal-imsieħba soċjali.

5.20.   Il-Livell ta’ Referenza tal-Prestazzjoni Medja Ewropea (il-livelli ta’ referenza Ewropej) ser isir l-istrument għall-kejl tal-progress. L-Istati Membri ftiehmu li fl-2020:

mill-inqas 15 % tal-adulti għandhom jieħdu sehem fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

il-persentaġġ ta’ studenti ta’ ħmistax-il sena li jsibu diffikultajiet bil-qari, il-matematika u x-xjenzi għandu jkun inqas minn 15 %;

mill-inqas 40 % ta’ dawk bejn 30 u 34 sena għandhom ikunu spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja;

inqas minn 10 % tan-nies jieqfu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel il-waqt;

mill-inqas 95 % tat-tfal bejn l-età ta’ erba’ snin u l-età tal-edukazzjoni obbligatorja għandhom jieħdu sehem fit-tagħlim ta’ qabel l-iskola.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario Sepi


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (2008/C 111/01).

(2)  Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, COM(2008) 800 finali, 26.11.2008.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa COM(2008) 868 finali, tas-16.12.2008.

(4)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 15.

(5)  Cedefop, Panorama Series 160, Skill needs in Europe (2008).

(6)  Għandu jiġi kkunsidrat li din l-analiżi twettqet qabel ma bdiet il-kriżi ekonomika u finanzjarja u b’hekk ma tqisux il-konsegwenzi.

(7)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.

(8)  SEC(2008) 3058 – dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea li jakkumpanja l-Komunikazzjoni COM(2008) 868 finali.

(9)  Dokument ta’ bażi, European Business Summit (Summit tal-intrapriżi Ewropej), Marzu 2009, pubblikazzjoni tal-INSEAD (The business school for the world) b’kooperazzjoni mal-Microsoft u l-Federazzjoni tal-intrapriża Belġjana (FEB).

(10)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 41.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini”

COM(2009) 262 finali

(2010/C 128/14)

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar l-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini

COM(2009) 262 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Pariza Castaños u l-korelatur kien is-Sur Pîrvulescu.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 voti favur u astensjoni waħda.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.   Fis-snin riċenti d-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem iżżerżqu ’l isfel fl-aġenda tal-UE. Is-sigurtà tal-istat kienet il-prijorità politika u din tqieset bħala inkompatibbli ma’ aktar libertà u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

1.2.   Il-politiki tas-sigurtà u l-ġustizzja għandhom iħarsu l-valuri tal-libertà. Il-KESE jqis li l-punt tat-tluq għal dawn il-politiki għandu jkun il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

1.3.   Il-politiki tas-sigurtà m’għandhomx jipperikolaw il-valuri fundamentali (id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet pubbliċi) jew il-prinċipji demokratiċi (l-istat tad-dritt) li huma komuni fl-Unjoni kollha. Il-libertà tal-persuna m’għandhiex tonqos minħabba l-għan tas-sigurtà kollettiva u tal-istat. Ċerti proposti ta’ politika jirrepetu żball li kien isir fiż-żminijiet tal-bidu: li tiġi ssagrifikata l-libertà biex titjieb is-sigurtà.

1.4.   Il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tissaħħaħ permezz ta’ awtorità politika viżibbli u b’saħħitha fil-livell Ewropew. Għalhekk il-KESE jappoġġja l-proposta tal-President Barroso li jinħoloq post għal Kummissarju Ewropew responsabbli mill-qasam tal-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u l-Libertajiet Ċivili. Il-Kumitat huwa fiduċjuż li dan id-dipartiment se jkun mogħni bl-għodda politiċi u r-riżorsi organizzattivi u finanzjarji meħtieġa biex tiġi eżerċitata din ir-responsabbiltà kbira.

1.5.   Il-Kumitat jiddispjaċih, iżda, li l-immigrazzjoni u l-asil huma inklużi fil-kwistjonijiet tas-sigurtà interna taħt ir-responsabbiltà ta’ Kummissarju ieħor. Ir-rabta bejn l-immigrazzjoni u s-sigurtà, u s-separazzjoni tagħha mill-ħarsien tad-drittijiet, jgħaddu messaġġ politiku ħażin. Il-KESE jipproponi li fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-politiki tal-immigrazzjoni u l-asil ikunu assoċjati mill-qrib mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala parti minn approċċ politiku wieħed.

1.6.   Meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, il-politiki dwar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ser ikunu jserrħu fuq pedament legali usa’: għalhekk il-KESE iqis li l-Unjoni Ewropea tista’ tikseb għanijiet li huma aktar ambizzjużi minn dawk proposti mill-Kummissjoni.

1.7.   Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-libertà tal-moviment, u minħabba f’hekk ir-Regolament CE/2252/2004 irid jiġi emendat.

2.   Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

2.1.   Iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE miexja lejn fażi kritika. Mill-1999, il-Kunsill adotta żewġ programmi ta’ ħames snin: il-Programm ta’ Tampere (1999-2004) u l-programm tal-Aja (2004-2009).

2.2.   Għaxar snin wara, l-għanijiet oriġinali ta’ Tampere għadhom ma ntlaħqux. L-UE għadha mhijiex żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-progress matul is-snin la kien biżżejjed (1) u lanqas kostanti. Il-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma qed joffri opportunità ġdida biex l-ispirtu ta’ Tampere jerġa’ jingħata l-ħajja.

2.3.   Sar progress konsiderevoli dwar il-politika komuni fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-asil u l-fruntieri; l-eċċezzjonijiet huma l-immigrazzjoni legali u tax-xogħol, li jibqgħu soġġetti għar-regola tal-unanimità fil-Kunsill.

2.4.   Il-politiki marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija dwar kwistjonijiet kriminali tmexxew skont approċċ intergovernattiv, fi klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja qawwi u b’konformità mar-regola tal-unanimità, u dan kollu jagħmel l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komuni fil-livell Ewropew kumplikata ħafna.

2.5.   Il-programm ta’ Stokkolma x’aktarx se jkun implimentat ladarba t-Trattat ta’ Lisbona jidħol fis-seħħ. Ħafna mill-politiki tiegħu mbagħad ser jiġu adottati mill-Kunsill skont il-proċedura ordinarja jew taħt il-proċedura leġiżlattiva tal-kodeċiżjoni tal-Parlament, biex b’hekk l-UE tkun tista’ twaqqaf għanijiet aktar ambizzjużi, minkejja li t-trattat attwali wkoll jippermetti l-iżvilupp taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Ewropa teħtieġ.

2.6.   Il-proċess li se jwassal għall-adozzjoni tal-programm ta’ Stokkolma diġà ġie mogħni b’għadd ta’ kontributi, fosthom il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (2), ir-rapporti tal-gruppi konsultattivi dwar il-futur tal-politika Ewropea fil-qasam tal-affarijiet interni u l-ġustizzja (3) kif ukoll il-kontributi mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar “il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja: X’futur? Konsultazzjoni dwar il-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”, f’Settembru u Novembru 2008 (4).

2.7.   F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni bl-isem ta’ “Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin: aktar libertà f’ambjent aktar sikur” (5); din tifforma l-bażi għal din l-opinjoni li tippreżenta l-fehma u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-proċess ta’ Stokkolma.

2.8.   Il-Kumitat jinsab ukoll fil-proċess li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja (6) li tipproponi li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-fruntieri, kif inhu xieraq, tkun tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u tpoġġi l-libertà u s-sigurtà fil-qalba tagħha. Din l-opinjoni tifforma parti wkoll mill-kontribut tal-KESE fit-tħejjija għall-programm ta’ Stokkolma.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-Kumitat japprova u jappoġġja l-prinċipju li l-prijorità politika tal-aġenda ta’ Stokkolma jkunu msejsa fuq l-istabbiliment ta’ żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li tkun għas-servizz tal-pubbliku. Waħda mill-isfidi l-aktar importanti tal-ħames snin li ġejjin, speċjalment wara l-approvazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, se tkun li tinbena l-Ewropa taċ-ċittadini, u għalhekk il-prijoritajiet politiċi tal-UE ser ikollhom jiġu adattati għal dan il-għan. Tliet snin ilu, il-Kumitat adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja bil-għan li ċ-ċittadinanza Ewropea ssir aktar viżibbli u effettiva (7). Hemm bżonn li titjieb il-kwalità taċ-ċittadinanza Ewropea sabiex din issir aktar miftuħa, ġusta u li twassal għall-integrazzjoni, li tevita kull forma ta’ diskriminazzjoni.

3.2.   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll il-prijorità li l-komunikazzjoni tagħti lill-bini ta’ Ewropa tad-drittijiet, għax il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa valur essenzjali tal-UE (8).

3.3.   Għalkemm is-sistema Ewropea għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali hija avvanzata sew, dawn id-drittijiet mhumiex rispettati kompletament madwar l-UE, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-programm ta’ Stokkolma għandu jinkludi strateġija ċara, ambizzjuża u komprensiva għall-ħarsien u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u jiżgura “Ewropa tad-drittijiet” li jkollha għeruq fondi u li tkun universali fil-livelli kollha ta’ governanza.

3.4.   Fis-snin riċenti, l-UE tat il-prijorità lis-sigurtà fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-libertà. Il-Kumitat jemmen li biex tiġi stabbilita żona ġenwina ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, irid ikun hemm bilanċ ġust bejn dawn it-tliet aspetti. Il-politiki li ser jiġu adottati fil-qasam tas-sigurtà għandhom iħarsu l-valuri tal-libertà u l-istat tad-dritt. Dawn il-politiki għandhom ikollhom il-pedament fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

3.5.   Id-drittijiet tal-bniedem huma universali u ma jistgħux jinqasmu, u għalhekk iridu jitħarsu u jkunu garantiti għan-nies kollha, u mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE. “Ewropa tad-drittijiet u tal-ġustizzja” ma tistax tiġi limitata għan-nies li għandhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri, iżda trid tkopri lil kull min jgħix fit-territorju tal-Unjoni. Jekk dan ma jseħħx, l-ambitu personali taż-żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja ma jkunx kompatibbli mal-valuri u l-prinċipji, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, it-trattament ugwali u s-solidarjetà li fuqhom twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Il-programm ta’ Stokkolma ser ikollu bżonn jikkunsidra l-fatt li ħafna mid-drittijiet u l-libertajiet imsemmija fil-konvenzjonijiet u t-trattati Ewropej u internazzjonali japplikaw għal kulħadd, irrispettivament min-nazzjonalità, iċ-ċittadinanza jew l-istatus ta’ migrazzjoni.

3.6.   Il-programm għandu jkun imnebbaħ mill-programm ta’ Tampere tal-1999, li taħtu l-Kunsill kien adotta l-prinċipju tat-trattament ġust u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi bħala l-prinċipju ta’ gwida tiegħu. Dan il-prinċipju jista’ jissaħħaħ bit-trattat il-ġdid, li se jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE bħala legalment vinkolanti u ser jiftaħ il-bieb għall-UE biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3.7.   Il-KESE jemmen li wara l-2011, ir-rwol tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE għandu jitwessa’ billi jiżdied il-baġit għaliha u billi jingħatawlha aktar setgħat fil-qasam tal-evalwazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni ma’ aġenziji u korpi Ewropej oħrajn, bħalma huma l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) u l-Ombudsman Ewropew. Sadanittant, l-indipendenza tal-aġenzija mill-gvernijiet għandha tiżdied u l-KESE għandu jiġi involut biex jieħu sehem bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili.

3.8.   Il-KESE jappoġġja l-metodu f’ħames taqsimiet propost mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat is-suċċess tal-programm ta’ Stokkolma: (1) li l-politiki dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni jiġu integrati b’mod adegwat mal-politiki l-oħra tal-UE; (2) li jitnaqqsu d-differenzi bejn ir-regoli approvati fil-livell Ewropew u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali, u li jiġu żviluppati miżuri prattiċi; (3) li titjieb il-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-impatt tagħha; (4) li jitjieb l-użu li jsir mill-evalwazzjonijiet tal-mekkaniżmi li jkunu nħolqu u tal-aġenziji li jkunu twaqqfu; (5) li jiġi żgurat li l-prijoritajiet ikunu akkumpanjati minn riżorsi finanzjarji adegwati.

3.9.   Bħala istituzzjoni, il-KESE ser ikompli jikkoopera b’mod attiv ħafna fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-politiki Ewropej, tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-effetti etiċi, soċjali u ekonomiċi tagħhom.

3.10.   Għaldaqstant il-Kumitat jista’ jkompli jkun parti minn strateġija Ewropea għal leġiżlazzjoni aħjar u għal evalwazzjoni tal-kwalità u tal-amministrazzjoni tajba tas-sistema legali Ewropea u tal-applikazzjoni u l-effetti tal-liġijiet adottati li huma marbuta magħha.

3.11.   Permezz tal-programm ta’ Stokkolma, l-UE trid iżżid u tiċċara l-impenji tagħha fir-rigward tal-għanijiet u l-miri li jridu jintlaħqu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu identifikati għadd ta’ indikaturi ewlenin u lista inizjali ta’ miri li, matul il-programm u fit-tmiem tiegħu, jagħmluha possibbli li ssir evalwazzjoni oġġettiva tal-progress li jkun sar.

3.12.   Il-KESE japprova l-linji ta’ azzjoni adottati, iżda jirrakkomanda li l-prijoritajiet tal-programm jiġu identifikati b’mod aktar ċar, u li jiġu appoġġjati b’impenji finanzjarji.

3.13.   Il-KESE jagħraf il-kontribut importanti ħafna li għamel il-Kunsill tal-Ewropa fil-ħafna riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-effiċjenza u l-applikazzjoni tajba tal-ġustizzja, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludihom fi żviluppi futuri fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali fl-Unjoni Ewropea. (9)

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem: Ewropa bbażata fuq id-drittijiet u l-istat tad-dritt

4.1.1.   Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata fl-1948 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, tiddikjara n-natura universali ta’ sistema komuni ta’ prinċipji u valuri; il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-1950 u li tagħha l-Istati Membri kollha huma firmatarji, u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huma l-bażi u l-garanzija li dawn il-prinċipji u d-drittijiet qed jiġu rispettati madwar it-territorju kollu tal-UE.

4.1.2.   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tinkludi drittijiet ġodda li mhumiex inklużi fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Karta ser iżżid iċ-ċertezza legali fil-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u ser tapplika għall-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, speċjalment meta dawn ikunu qed japplikaw il-liġi Komunitarja.

4.1.3.   Id-dritt għall-moviment ħieles tal-persuni huwa wieħed mid-drittijiet bażiċi taċ-ċittadinanza Ewropea. It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u l-libertà tal-moviment u r-residenza fiż-żona Schengen huma fost il-kisbiet ewlenin ta’ dawn l-aħħar 10 snin fl-integrazzjoni Ewropea.

4.1.4.   Minkejja dan, il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu fuq il-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-prattika qed jiġi mtellef mid-diversi ostakli u barrieri li jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-UE. Il-Kumitat iqis li d-Direttiva 2004/38 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għadha ma ġietx trasposta b’mod adegwat. Il-Kummissjoni (10), il-Parlament Ewropew u għadd ta’ rapporti ta’ esperti sabu li t-traspożizzjoni tagħha mhijiex sodisfaċenti, apparti l-fatt li ma ġietx implimentata fl-iskadenzi stabbiliti (11).

4.1.5.   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għat-titjib tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Id-derogi u l-eċċezzjonijiet kollha applikabbli mill-awtoritajiet nazzjonali għad-dritt fundamentali tal-moviment ħieles tal-persuni għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett u b’konformità sħiħa mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (12). Il-ħarsien tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema transkonfinali għandhom jitjiebu, kif propost mill-Kumitat f’diversi opinjonijiet (13).

4.1.6.   Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, il-KESE adotta diversi opinjonijiet (14) li fihom jirrakkomanda li l-UE tadotta t-trattati internazzjonali u timplimenta strateġija biex tiżgura li l-Istati Membri jieħdu azzjoni malajr biex jirrispettaw l-impenji li jkunu ħadu fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet fil-livell Ewropew u internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

4.1.7.   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li tiġi rispettata id-diversità u l-ħarsien tal-persuni vulnerabbli. Diversi minoritajiet (pereżempju r-Roma) u ħafna nies ta’ oriġini immigranti huma affettwati mill-isfidi marbutin mad-diversità.

4.1.8.   Dan l-aħħar il-Kumitat adotta għadd ta’ opinjonijiet li kellhom l-għan li jsaħħu l-leġiżlazzjoni għal kontra d-diskriminazzjoni (15), billi ppropona modi kif jistgħu jitjiebu l-għodda użati fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-vjolenza, l-omofobija u l-ksenofobija. Is-soċjetà ċivili tista’ tilgħab rwol essenzjali biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi applikata b’mod tajjeb fil-prattika.

4.1.9.   Meta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tidħol fis-seħħ, l-Unjoni Ewropea se jkollha pedamenti legali ġodda għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol. Fil-futur, il-Kumitat se jieħu aktar inizjattivi biex jimplimenta l-politiki Ewropej li jsaħħu l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi d-drittijiet soċjali u tax-xogħol fost il-prijoritajiet tagħha.

4.1.10.   Bħalissa l-UE qed tiffinalizza l-politiki għall-kontroll tas-sigurtà u tal-fruntieri bbażati fuq l-użu ta’ teknoloġiji u sistemi ta’ informazzjoni ġodda. Għandhom jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi etiċi u legali ta’ dawn il-politiki f’termini ta’ protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata tal-persuna.

4.1.11.   Il-KESE jemmen li s-soċjetà ċivili organizzata tista’ tieħu sehem f’evalwazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-iskop, il-proporzjonalità, il-leġittimità, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità jkunu qed jiġu rispettati, f’kollaborazzjoni stretta mal-awtoritajiet fil-livelli nazzjonali u Ewropej li huma responsabbli mill-protezzjoni tad-data u mill-medjazzjoni.

4.1.12.   Ħafna konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili Ewropea wrew li l-libertà tal-moviment hija mxekkla b’miżuri sproporzjonati ta’ sigurtà, bħalma hu l-użu tal-bijometrika u t-teknoloġiji ta’ identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID) fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Fl-opinjoni tiegħu (16), il-Kumitat iddikjara li t-teknoloġija tal-RFID għadha mhijiex “matura” u tista’ tikser il-libertajiet fundamentali tan-nies.

4.1.13.   Fil-programm ta’ Stokkolma għandu jitqies il-fatt li l-iżvilupp rapidu ta’ dawn it-teknoloġiji jista’ jwassal għall-bżonn li jiġu adottati inizjattivi politiċi u leġiżlattivi ġodda għal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Il-Kummissjoni trid tniedi kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u r-riskji li jġib miegħu l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

4.1.14.   In-numru baxx ta’ votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew riċenti jenfasizza l-fatt li ħafna Ewropej mhumiex sodisfatti bil-kwalità taċ-ċittadinanza tagħhom jew b’uħud mill-politiki tal-UE. Il-Kumitat japprova l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-ħajja demokratika u l-parteċipazzjoni attiva tal-pubbliku Ewropew. B’rispons għan-nuqqas ta’ interess li qed jikber min-naħa taċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-politika Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li jitnieda pakkett ta’ miżuri biex jistimola ċ-ċittadinanza Ewropea attiva. Il-Kumitat huwa favur il-fatt li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew isiru fil-ġimgħa tad-9 ta’ Mejju u li l-kandidaturi, il-kampanji u l-manifesti elettorali jingħataw xejra inqas nazzjonali u aktar Ewropea.

4.1.15.   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jitwessgħu s-sisien tad-demokraziji tagħna, mhux inqas billi jiġu inklużi ċittadini ġodda u li dawn jingħataw l-ugwaljanza kemm fid-drittijiet kif ukoll fl-obbligi. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom ikopru l-firxa kollha tal-oriġini nazzjonali, etniċi, reliġjużi u kulturali li parti minnhom toħroġ mill-immigrazzjoni.

4.1.16.   Il-KESE ħejja abbozz ta’ opinjoni (17) fuq inizjattiva proprja għall-Konvenzjoni, li hi favur il-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi status ta’ residenza għal tul ta’ żmien jingħataw iċ-ċittadinanza Ewropea. Il-Kumitat jipproponi li l-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw din il-proposta fil-programm ta’ Stokkolma.

4.2.   Nagħmlu l-ħajja aktar faċli għaċ-ċittadini: Ewropa bbażata fuq il-liġi u l-ġustizzja – niżguraw l-istat tad-dritt u l-ġustizzja f’Ewropa li hija miftuħa għad-dinja

4.2.1.   Ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tal-qrati

4.2.1.1.   Il-KESE jilqa’ b’ferħ l-isforzi lejn ir-rikonoxximent reċiproku, li huwa l-bażi tal-integrazzjoni fiż-żona ġudizzjarja Ewropea. Din tal-aħħar għandha teżisti flimkien mat-tradizzjonijiet ġudizzjarji ta’ kull Stat Membru u tiggarantixxi l-iżvilupp imsaħħaħ ta’ żona ta’ libertà u responsabbiltà. L-Unjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ standards komuni. Min-naħa l-oħra, is-sistema kollha ta’ infurzar, fir-rigward tal-bażi ta’ standards komuni kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha tkun soġġetta għal restrizzjonijiet legali sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ abbuż: ir-regoli m’għandhom bl-ebda mod jikkompromettu l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem u għandhom jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet ċivili u soċjali.

4.2.1.2.   Ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti, bħalma huma s-suċċessjoni u t-testmenti, is-sistemi li jirregolaw il-proprjetà fi sħubija ċivili jew iż-żwieġ u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji, u li huma essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum. Ir-rikonoxximent reċiproku għandu jkopri l-forom kollha ta’ sħubijiet ċivili li huma legalment rikonoxxuti mill-Istati Membri.

4.2.1.3.   Fi kwistjonijiet ċivili, il-proċedura tal-exequatur li taħtha l-Istati Membri jinfurzaw id-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali għandha tiġi abolita b’mod ġenerali u r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti. Fil-qasam kriminali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu dejjem japplika għall-istadji kollha tal-proċedura. Ir-rikonoxximent reċiproku għandu japplika wkoll għal skemi ta’ protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda anke fil-każ fejn jintilfu d-drittijiet.

4.2.2.   It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

4.2.2.1.   Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudiżżjarji, għandu jiżdied it-taħriġ għall-professjonijiet legali u jiġi appoġġjat permezz ta’ strumenti komuni. L-iskambju bejn uffiċjali li jaħdmu fis-sistema ġudizzjarja għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati, mhux biss permezz tal-Forum tal-Ġustizzja u l-attivitajiet tan-netwerks professjonali iżda wkoll billi tiġi stabbilita sistema tat-tip “Erasmus”. Bl-intenzjoni li jittejbu l-komunikazzjoni u l-iskambju tal-prattiki tajbin, il-KESE jirrakkomanda li jissaħħaħ il-Forum Ewropew tal-Ġustizzja.

4.2.2.2.   Għandu jkompli t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka billi jiġi pprovdut appoġġ aktar qawwi, speċjalment finanzjarju, għat-taħriġ tal-professjonijiet legali u għall-iżvilupp tan-netwerks professjonali. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn skambji ta’ prattiki tajba u l-iżvilupp ta’ proġetti innovattivi għall-immodernizzar tal-ġustizzja.

4.2.3.   L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja: prijorità

4.2.3.1.   L-azzjoni tal-UE fil-qasam kriminali għat-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet m’għandhiex tkun ristretta biss għat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-attakki fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għandha tkopri wkoll il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Il-mobilità li qed tikber taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi ħdan l-UE tagħmilhom aktar vulnerabbli għal diskriminazzjoni u abbuż fil-ħajja privata u tax-xogħol tagħhom.

4.2.3.2.   L-UE għandha twettaq ħidma favur it-tisħiħ tal-istrumenti ta’ għajnuna legali eżistenti, tuża l-mezzi elettroniċi (e-justice) (18), f’każijiet fejn dan ikun meħtieġ, u tagħmel sforz partikolari biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ġudizzjarja. Għandha tieħu wkoll passi għas-semplifikazzjoni tal-formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti. Ser ikun hemm bżonn li jsir titjib tal-appoġġ għall-vittmi, speċjalment f’każ ta’ transazzjonijiet transkonfinali.

4.2.4.   Ir-rwol tal-professjonijiet legali fl-appoġġ tal-attività ekonomika

4.2.4.1.   L-infurzar tas-sentenzi ġudizzjarji għandu jitjieb, speċjalment bil-ħolqien ta’ proċedura Ewropea dwar is-sekwestru ta’ kontijiet tal-bank. Il-ħidma fir-rigward tal-ħolqien ta’ qafas komuni ta’ referenza fil-qasam tal-liġi kuntrattwali tista’ tintuża għal proposti leġiżlattivi futuri, jistgħu jiġu żviluppati mudelli ta’ kuntratti, u jiġu introdotti sistemi fakultattivi Ewropej f’oqsma tas-suq intern li jkunu definiti b’mod ċar (it-28 reġim). Hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex ikun hemm armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni u tal-liġi tal-kumpaniji.

4.2.4.2.   Iż-żona ġudizzjarja Ewropea, partikolarment f’perijodu ta’ kriżi, m’għandhiex isservi biss tappoġġja l-attività ekonomika fis-suq uniku, iżda tħeġġeġ ukoll l-aġenti ekonomiċi biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà u l-impjegati tagħhom stess. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa importanti li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati, l-aġenti ekonomiċi, u ċ-ċittadini u r-rispett tad-dinjità u d-drittijiet taċ-ċittadini.

4.2.5.   It-tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam legali

Għandha tingħata prijorità għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt madwar id-dinja, speċjalment f’pajjiżi ġirien u pajjiżi li għandhom l-istess programm ekonomiku, soċjali u tas-sigurtà komuni mal-UE, u sabiex jissaħħu b’mod sinifikanti l-istrumenti għall-assistenza ġudizzjarja u l-kooperazzjoni li l-UE tuża fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi.

4.3.   Ewropa li tipproteġi: qafas u prinċipji regolatorji għal Ewropa miftuħa li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha.

Il-KESE jilqa’ b’ferħ l-iżvilupp ta’ strateġija għas-sigurtà interna għall-Unjoni. Firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għandhom jiġu involuti f’dan il-proċess (19). Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tiggarantixxi l-prevalenza ta’ approċċ ibbażat fuq it-tolleranza, id-djalogu u l-kooperazzjoni, u mhux l-esklużjoni, il-biża’ u n-nuqqas ta’ fiduċja fiċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi. Dan jiżgura wkoll il-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-aktar nies vulnerabbli għall-miżuri ta’ kontroll u nfurzar: fl-assenza ta’ soċjetà ċivili demokratika, dawn il-miżuri jistgħu jintużaw b’mod abbużiv jew diskriminatorju. L-istrateġija dwar is-sigurtà interna għandha tkun appoġġjata minn strateġija Ewropea għall-evalwazzjoni tas-sistemi legali Ewropej.

4.3.1.   Mezzi msaħħa

4.3.1.1.   Il-kooperazzjoni mal-pulizija għandha tinkludi element sostanzjali ta’ taħriġ intern u edukazzjoni. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali qalet li l-imġiba ħarxa u aggressiva tal-forzi tal-pulizija hija sors ewlieni ta’ diskriminazzjoni. Sabiex dawn il-prattiċi jiġu limitati, għandhom jittieħdu passi biex tingħeleb din l-imġiba u tintrebaħ lura mill-ġdid il-kunfidenza fl-integrità tal-pulizija (20).

4.3.1.2.   L-għodda teknoloġiċi meħtieġa biex jiggarantixxu s-sigurtà interna ma jistgħux jiġu mobilizzati mingħajr ma jiġi żgurat l-użu trasparenti u responsabbli tagħhom f’kooperazzjoni maċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili.

4.3.2.   Politiki effettivi

4.3.2.1.   Il-prijoritajiet fil-qasam tal-kriminalità transkonfinali għandhom ukoll isaħħu d-drittijiet tad-difiża billi l-garanziji minimi komuni jiġu estiżi għall-protezzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-detenzjoni provviżorja (dewmien u reviżjoni tar-raġunijiet għad-detenzjoni). Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ proporzonalità. Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu żviluppati u appoġġjati permezz ta’ mezzi xierqa, l-aktar permezz ta’ pjan ta’ azzjoni li jkollu segwitu, speċjalment f’sitwazzjonijiet li s’issa kienu problematiċi (it-trattatment tal-persuni suspettati li huma involuti f’attivitajiet terroristiċi).

4.3.2.1.1.   Fir-rigward tal-kontroll u s-sorveljanza marittima, u speċifikament il-protezzjoni tan-nies u l-gruppi l-aktar vulnerabbli, l-obbligu fundamentali tal-Istati Membri għas-salvataġġ fil-baħar għandu jieħu prijorità fuq dawk dwar il-kontroll u s-sorveljanza marittima.

4.3.2.1.2.   Il-ħolqien ta’ Viża Ewropea Komuni għax-Schengen, li possibilment tingħata minn awtorità konsulari komuni, tista’ tiżgura li jkun hemm trattament ugwali għall-applikanti kollha għall-asil. Minkejja dan, xorta waħda għandu jkun hemm bidla gradwali mill-preżunzjoni ta’ riskju marbut man-nazzjonalità tal-applikant għal evalwazzjoni tar-riskju individwali. Dan ikun pass pożittiv ’il quddiem, u li se jipprevjeni l-prattiki abbużivi u diskriminatorji fil-konfront tal-applikanti.

4.3.3.   Għanijiet komuni

4.3.3.1.   L-istrateġija għas-sigurtà interna għandha tiffoka fuq it-theddid li għadu ma ngħatalux attenzjoni biżżejjed. Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-kriminalità ta’ mibegħda, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-antisemitiżmu għandhom jingħataw prijorità ċara. L-istrumenti użati m’għandhomx jitfasslu biss għall-finijiet tas-sigurtà iżda għandhom ikopru wkoll l-oqsma ekonomiċi, soċjali, kulturali u edukattivi, u jintużaw għall-prevenzjoni.

L-istrateġija għas-sigurtà interna għandha tagħti prijorità lit-trasparenza u lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li thedded il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-proċess demokratiku fil-livelli nazzjonali u tal-UE.

4.3.3.2.   Sabiex titnaqqas it-theddida ta’ terroriżmu, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha għall-promozzjoni ta’ mudelli Ewropej ta’ djalogu interkulturali u bejn nies bi twemmin differenti li jkun jista’ jpatti għall-iżolament u r-radikalizzazzjoni tal-komunitajiet, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha. Huma kemm huma effettivi, il-miżuri ta’ sigurtà interna jindirizzaw biss l-effetti u mhux il-kawżi tat-terroriżmu. Għalhekk huwa essenzjali li jitnieda djalogu pan-Ewropew li jidentifika dawn il-mudelli sabiex l-Unjoni tkun tista’ tippromovihom f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

4.4.   Politika dinamika tal-immigrazzjoni

4.4.1.   L-implimentazzjoni ta’ politika dwar l-immigrazzjoni ser tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin għas-snin li ġejjin, fuq il-bażi tal-għanijiet imfissra fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Il-prijoritajiet definiti mill-Kummissjoni jinkludu l-konsolidazzjoni ta’ approċċ globali għall-immigrazzjoni.

4.4.2.   L-UE għandha ttejjeb id-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi tal-oriġini. Il-KESE ppropona (21) li, fil-kuntest tal-politika esterna, l-UE tippromovi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, li għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri tal-UE, minkejja l-fatt li l-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (22) fejn ippropona li dan għandu jsir.

4.4.3.   Sabiex il-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni tkun ta’ kontribut għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-oriġini, il-ftehimiet tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi għandhom jiġu konklużi taħt kundizzjonijiet ta’ interess reċiproku u b’konformità mad-drittijiet tal-migranti. Il-KESE jemmen li l-ftehimiet dwar il-mobilità għandhom jipprevjenu li jkun hemm eżodu ta’ mħuħ u jikkumpensaw għalih. Sabiex il-migrazzjoni ċirkolari tinteraġixxi b’mod pożittiv mal-iżvilupp, il-liġijiet dwar id-dħul f’pajjiż u dawk dwar ir-residenza għal tul ta’ żmien għandhom isiru aktar flessibbli sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn volontarju mingħajr ma l-immigranti jitilfu d-dritt tagħhom li jibqgħu fil-pajjiż.

4.4.4.   Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi m’għandix tkun ibbażata esklussivament fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali, il-kontrolli tar-ritorn u tal-fruntieri, minkejja l-importanza tagħhom. Il-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi għandhom iqisu l-interessi tal-partijiet kollha: l-immigranti, biex jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali tagħhom u t-trattament ġust; il-pajjiżi tal-oriġini, sabiex il-migrazzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp tal-oqsma tax-xogħol u soċjali tagħhom; u l-komunitajiet ospitanti Ewropej.

4.4.5.   Il-KESE jemmen li waħda mid-dgħufijiet tal-approċċ komprensiv għall-immigrazzjoni jiġi direttament mid-diffikultajiet tal-UE li tagħmel progress mid-diskussjonijiet ġenerali dwar il-politika għall-adozzjoni ta’ inizjattivi leġiżlattivi konkreti li huma bbażati fuq il-metodu tal-Komunità u li jikkonformaw mad-diviżjoni tal-kompetenzi kif imniżżla fit-trattati.

4.4.6.   Il-Kumitat mhuwiex tal-fehma li l-politika dwar l-immigrazzjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-migrazzjoni ċirkulari. M’għandniex għalfejn ngħidu li ċerti deċiżjonijiet huma temporanji u xi kultant ċirkulari, iżda l-esperjenza wriet li l-biċċa l-kbira ta’ dawn hija permanenti jew għal tul ta’ żmien. Minħabba f’hekk, il-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej dejjem għandhom jippromovu d-drittijiet tal-bniedem, status legali sikur għall-immigranti, integrazzjoni u għaqda tal-familja.

4.4.7.   F’opinjoni riċenti (23), il-Kumitat wera li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

4.4.8.   Il-KESE huwa kontra l-użu tat-terminu “migrazzjoni illegali” u jaqbel mal-fehma ta’ korpi Ewropej oħrajn, inkluż l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewropew, li jippreferu t-terminu “migrazzjoni irregolari” u “migranti mhux dokumentati” sabiex jiġu evitati assoċjazzjonijiet foloz bejn l-immigrazzjoni u l-kriminalità.

4.4.9.   Minkejja li l-fatt li persuna li tidħol fi Stat mingħajr id-dokumentazzjoni u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa ma tkunx qed tobdi l-liġi, xorta waħda din il-persuna mhijiex kriminali. Ir-rabta bejn il-migrazzjoni illegali u l-kriminalità, li ta’ spiss issir mill-mezzi tax-xandir u f’dibattiti politiċi, ma tirriflettix ir-realtà u tqajjem il-biża’ u l-ksenofobija fil-pajjiż ospitanti.

4.4.10.   Il-KESE japprova l-prijorità tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni nazzjonali tad-drittijiet u l-garanzija kif imniżżla fid-Direttiva dwar ir-ritorn (Direttiva 2008/115/KE), li se tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2010.

4.4.11.   Il-Kumitat japprova wkoll il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu stabbiliti standards komuni biex jiġu indirizzati l-immigranti illegali li ma jistgħux jiġu deportati, kif ukoll il-proposta dwar ir-regolarizzazzjonijiet li dwarhom għandhom jitfasslu linji gwida għall-implimentazzjoni tagħhom. Ir-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ dawk ikkonċernati tinvolvi li jitqiesu l-integrazzjoni soċjali tagħhom u dik fis-suq tax-xogħol, b’konformità mal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil.

4.4.12.   Għandu jkun hemm politika Ewropea speċifika għall-protezzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet irregolari.

4.4.13.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE għandha titgħammar b’qafas komuni fis-sura ta’ sistema ta’ ammissjoni flessibbli għall-immigranti, li tkun taħseb għall-ħtiġijiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Minkejja dan, il-KESE jħoss li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tevita politiki bbażati biss fuq il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol f’sitwazzjoni jew perijodu partikolari li jittrattaw lill-immigrant bħala unità ta’ xogħol minflok persuna li għandha d-drittijiet u li teħtieġ il-protezzjoni u s-sigurtà.

4.4.14.   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu li tmexxi l-immigrazzjoni tax-xogħol b’mod aħjar, bl-involviment ta’ min iħaddem, il-unjins, is-servizzi pubbliċi tal-Istati Membri, l-aġenziji ta’ reklutaġġ u partijiet ikkonċernati oħra. Il-KESE jista’ jkun l-istituzzjoni Ewropea li tospita l-attivitajiet tal-pjattaforma, b’mod simili għall-arranġamenti għall-Forum Ewropew dwar l-Immigrazzjoni.

4.4.15.   Il-KESE enfasizza diversi drabi li l-leġiżlazzjoni Ewropea konġunta dwar l-ammissjoni imissha inkludiet qafas leġiżlattiv orizzontali ġenerali aktar milli leġiżlazzjoni settorjali (24).

4.4.16.   Madanakollu l-Kummissjoni bħalissa qed tfassal diversi proposti għal direttivi settorjali. Il-Kunsill Ewropew riċentement adotta id-Direttiva dwar il-Karta Blu  (25), li tipprevedi sistema ta’ ammissjoni flessibbli u ta’ malajr li tapplika biss għal ħaddiema migranti li jitqiesu li għandhom livell għoli ta’ sengħa u l-membri tal-familji tagħhom, u dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bejn dawk li għandhom livell għoli ta’ sengħa u oħrajn (li se jkunu koperti minn direttivi speċifiċi). Barra minn hekk, id-direttiva tagħti wisq libertà lill-Istati Membri biex jiddefinixxu u jispeċifikaw il-kundizzjonijiet biex jingħataw il-karta blu u d-drittijiet li din iġġib magħha.

4.4.17.   Il-KESE jemmen li l-approċċ settorjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandu jimxi id f’id ma’ qafas komuni tad-drittijiet (status Ewropew) li jiżgura r-rispett u l-protezzjoni għad-drittijiet tal-immigranti u l-libertajiet fl-Ewropa, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jagħmlu jew mill-istatus legali jew is-sitwazzjoni amministrattiva tagħhom.

4.4.18.   Il-Kummissjoni fasslet abbozz ta’ proposta għal direttiva qafas dwar id-drittijiet tal-immigranti li għad trid tiġi adottata mill-Kunsill. Il-KESE adotta opinjoni (26) dwar il-proposta u qed jittama li tiġi kkunsidrata matul ix-xogħol tal-Kunsill.

4.4.19.   Il-KESE ser jiddiskuti l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi adottat kodiċi għall-immigrazzjoni sabiex jiġi żgurat sett ta’ drittijiet uniformi u komparabbli għall-immigranti fl-Ewropa, iżda jiddispjaċih li l-proposta se tinvolvi l-irtirar tad-direttiva qafas; għalhekk iħeġġeġ lill-presidenzi futuri tal-Kunsill biex jibqgħu jaħdmu sakemm din id-direttiva tiġi adottata.

Fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familji, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li “għandha ssir reviżjoni tad-Direttiva wara konsultazzjoni wiesgħa”.

4.4.20.   Il-KESE jittama li l-Kummissjoni ma ddumx ma toħroġ Green Paper bil-għan li jitnieda dibattitu dwar il-bidliet li għandhom isiru lil din id-direttiva, peress li n-natura minimalista tad-Direttiva 2003/86 tippermetti li ċerti liġijiet nazzjonali ma jiggarantux b’mod sħiħ dan id-dritt lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ġie kkonfermat mir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tagħha f’liġi nazzjonali (27).

4.4.21.   Il-KESE qed jaħdem sod biex jippromovi l-integrazzjoni u adotta diversi opinjonijiet fuq inizjattiva proprja li jagħmlu sejħa biex fl-UE jiġu implimentati politiki ta’ integrazzjoni proattivi li jiffukaw fuq żewġ affarijiet, li jkunu mmirati kemm għas-soċjetajiet ospitanti kif ukoll għall-immigranti. Dan huwa approċċ pożittiv għall-integrazzjoni li huwa differenti minn dak negattiv li adottaw xi gvernijiet, li jħarsu lejn l-integrazzjoni bħala ostaklu ieħor għall-ugwaljanza u mezz ieħor ta’ diskriminazzjoni.

4.4.22.   Kif tgħid il-Kummissjoni, hemm bżonn ta’ sforzi akbar mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, iżda wkoll impenn akbar mis-soċjetà ospitanti, kif ukoll mill-immigranti nfushom. Dan l-aħħar twaqqaf Forum Ewropew għall-Integrazzjoni, li kien ir-riżultat ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-KESE. Din il-pjattaforma tinvolvi lis-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti fil-politika Ewropea li tippromovi l-integrazzjoni.

4.4.23.   Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-integrazzjoni u huwa impenjat li jħejji aktar abbozzi ta’ opinjonijiet biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha l-viżjoni ta’ “mekkaniżmu konġunt ta’ koordinazzjoni li jappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri, l-ewwel nett permezz ta’ qafas ta’ referenza komuni” li jkun jinkludi d-definizzjoni tal-aħjar prattiki, l-iżvilupp ta’ indikaturi, rabtiet ma’ politiki oħra u l-involviment tas-soċjetà ċivili permezz tal-portal tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

4.4.24.   Il-Forum jista’ jagħti kontribut ukoll għall-prattiċi ta’ evalwazzjoni, l-iżvilupp ta’ indikaturi u li jorbot l-integrazzjoni ma’ politiki oħra tal-UE.

4.5.   Asil: żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà

4.5.1.   L-Ewropa għandha tkun lesta tilqa’ lil dawk li jagħmlu talba għall-asil b’mod diċenti, permezz ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġihom u ta’ politika li turi aktar solidarjetà. Ħafna nies li jkollhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jaslu fil-fruntieri esterni b’mod klandestin. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jkunu jistgħu jressqu t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni, u li t-talbiet tagħhom jiġu eżaminati b’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej u mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali.

4.5.2.   Fis-snin riċenti, il-KESE adotta għadd ta’ opinjonijiet li jitkellmu favur l-iżvilupp ta’ sistema komuni tal-asil (28). Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (CEAS) għandha tiġi implimentata b’mod li jiżgura livell għoli ta’ kwalità mingħajr ma jitbaxxew il-livelli ta’ protezzjoni internazzjonali. L-armonizzazzjoni m’għandha qatt tintuża biex jitbaxxew il-livelli ta’ protezzjoni li attwalment jipprovdu l-Istati Membri, iżda għandha sservi biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni f’dawk l-Istati Membri fejn il-protezzjoni mhijiex adegwata.

4.5.3.   Biex titwaqqaf is-CEAS, hemm bżonn li l-armonizzazzjoni leġiżlattiva tkun akkumpanjata minn kooperazzjoni sostanzjali bejn l-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni u s-solidarjetà ser jitjiebu bit-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Asil (UEAA) propost mill-Kummissjoni, u appoġġjat mill-KESE.

4.5.4.   Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tippermetti lil dawk li jagħmlu talba għall-asil li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ, tagħraf ix-xogħol tal-NGOs speċjalizzati u tagħti lil dawn l-NGOs aċċess sħiħ għall-proċeduri u l-postijiet li huma rilevanti għal xogħolhom.

4.5.5.   Il-proċeduri mniżżla fir-Regolament ta’ Dublinu għandhom jiġu emendati biex dawk li jagħmlu talba għall-asil ikunu liberi li jagħżlu f’liema pajjiż jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-asil, billi jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet umanitarji kif ukoll ir-rabtiet familjari, kulturali u soċjali.

4.5.6.   Ser ikun possibbli li jsiru appelli għal deċiżjonijiet dwar dawn l-applikazzjonijiet, u dawn l-appelli għandu jkollhom effett ta’ sospensjoni b’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

4.5.7.   Id-detenzjoni ta’ dawk li jagħmlu talba għall-asil u l-immigranti irregolari f’ċentri ta’ detenzjoni għadha prattika komuni f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE. Il-KESE huwa kontra dawn il-prattiki u jemmen li ż-żamma f’ċentri ta’ detenzjoni għandha tkun miżura f’każijiet ta’ eċċezzjoni.

4.5.8.   Il-KESE jemmen li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġu konklużi ftehimiet għad-dħul mill-ġdid ma’ pajjiżi terzi, u huwa kontra l-fatt li l-UE jew l-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet dwar ir-ripatrijazzjoni jew il-kontrolli fil-fruntieri ma’ pajjiżi li ma ffirmawx l-istrumenti legali internazzjonali ewlenin għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

4.5.9.   Il-KESE jemmen li s-solidarjetà finanzarja intra-Ewropea għall-asil għandha tiżdied; għal dan il-għan, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati għandu jiżdied u jinbidel.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Is-Sur Frattini, Viċi President preċedenti, qal li 58 % biss tal-għanijiet intlaħqu.

(2)  Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Brussell, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.

(3)  Rapport tal-Grupp Konsultattiv Informali ta’ Livell Għoli dwar il-Futur tal-Politika għall-Affarijiet Interni “il-Libertà, is-Sigurtà, il-Ħajja Privata: l-Affarijiet Interni Ewropej f’Dinja Miftuħa”, Ġunju 2008.

(4)  http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_0001_en.htm

(5)  COM(2009) 262.

(6)  Opinjoni tal-KESE tal-4.9.2009 dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej dwar l-immigrazzjoni. Relatur: is-Sur Pariza Castaños (mhux disponibbli bil-Malti) (ara paġna 29 tal-edizzjoni attwali tal-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 163 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 60.

(9)  Ara “Relevant Council of Europe Resolutions and Recommendations in the field of efficiency and fairness of justice” (Riżoluzzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-effiċjenza u l-imparzjalità fil-ġustizzja) (CEPEJ(2003)7 rev. tat-13 ta’ Novembru 2003)

(10)  COM(2008) 840.

(11)  30 ta’ April 2006.

(12)  COM(2009) 313.

(13)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14 u ĠU C 325, 30.12.2006, p. 43 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 65 (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102.

(16)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 66.

(17)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  Opinjoni dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Lejn Strateġija Ewropea dwar l-e-Ġustizzja”, relatur is-Sur. Pegado Liz (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 69).

(19)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 147 (mhux disponibbli bil-Malti) u ĠU C 211, 19.8.2008, p. 61.

(20)  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2009, il-Programm ta’ Stokkolma: opportunità biex il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali titqiegħed fiċ-ċentru tal-Aġenda Ewropea, pp. 6 u 7.

(21)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(22)  ĠU C 302, 7.12.2004, p. 49.

(23)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 69.

(24)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti).

(25)  Direttiva EC/50/2009

(26)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(27)  COM(2008) 610 finali.

(28)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 77, ĠU C 218, 11.9.2009, p. 78 u l-opinjonijiet tal-KESE tas-16.7.2009 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil (riformulazzjoni), Relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 110), u tas-16.7.2009 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni). Relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 115).


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti bla tipjip”

COM(2009) 328 finali – 2009/0088 (CNS)

(2010/C 128/15)

Relatur: is-Sur LUCAN

Nhar it-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta, fuq bażi volontarja, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti mingħajr tipjip

COM(2009) 328 finali – 2009/0088 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’81 vot favur, 68 vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

B’referenza għall-Artikolu 1 tat-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

1.1.1.   Il-protezzjoni effettiva mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk għandha tapplika sempliċement għall-“postijiet tax-xogħol”, speċjalment postijiet fuq ġewwa bla spazju separat għal dawk li jpejpu.

1.1.2.   Rigward l-Artikolu 8 (2) tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC), il-Kumitat jirrakkomanda li l-kliem “kif xieraq, postijiet pubbliċi oħrajn” jiġi emendat biex jinkludi l-postijiet pubbliċi frekwentati mit-tfal u ż-żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena.

1.1.3.   Il-Kumitat jitlob lill-Kunsill jikkunsidra li jqassar il-perijodu ta’ żmien ta’ adozzjoni ta’ tliet snin li ġie propost mill-Kummissjoni. Jekk dan ma jsirx, ser tintilef il-ġenerazzjoni attwali ta’ studenti sekondarji (14-18-il sena), li huma fir-riskju li jgħaddu mit-tipjip passiv għat-tipjip attiv.

B’referenza għall-Artikolu 2 tat-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

1.2.1.   L-istrateġiji edukattivi u ta’ pariri fil-livell tal-UE ser jaqdu rwol prinċipali fl-istabbilimenti edukattivi kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-paragrafu jiġi estiż biex jenfasizza l-importanza fil-livell tal-UE tal-istrateġiji edukattivi u ta’ pariri bbażati fl-iskejjel, biex jiġi żgurat li kull tifel jew tifla jew żgħażugħ jew żgħażugħa jiġu infurmati b’mod korrett, sħiħ u regolari dwar ir-realtajiet tat-tipjip u l-effetti ta’ ħsara u karsinoġeniċi tal-espożizzjoni għad-Duħħan Ambjentali tat-Tabakk (ETS - environmental tobacco smoke).

B’referenza għall-Artikolu 3 tat-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

1.3.1.   Il-politiki tal-ambjenti mingħajr tipjip għandhom jiġu komplementati b’miżuri ta’ appoġġ, li jinkludu:

(c)

l-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva 2004/37 dwar l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni biex tinkludi l-ETS;

(d)

it-tisħiħ tar-rekwiżiti rigward il-protezzjoni tal-ħaddiema mid-duħħan tat-tabakk fid-Direttiva 89/654/KEE, sabiex kull min iħaddem ikollu jiżgura li t-tipjip ikun projbit fil-post tax-xogħol tiegħu;

(e)

l-emendar tad-Direttiva dwar is-sustanzi perikolużi (67/548/KEE) (1991) sabiex l-ETS jiġi kklassifikat bħala karċinoġenu. Awtomatikament, dan iqiegħed lill-ETS fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-espożizzjoni għall-karċinoġeni jew il-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol rigward il-ħtiġijiet minimi għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

(f)

talba lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ibiddlu uffiċjalment it-terminu “Duħħan Ambjentali tat-Tabakk” (ETS) bit-terminu ġdid “Duħħan Ambjentali tat-Tabakk Karċinoġeniku” (ECTS - Environmental Carcinogenic Tobacco Smoke); kif ukoll

(g)

l-introduzzjoni ta’ politiki edukattivi (DĠ EAC u DĠ SANCO), li jkunu applikabbli għas-sistemi edukattivi kollha fl-Ewropa, biex jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu infurmati b’mod korrett, sħiħ u regolari dwar l-effetti tat-tipjip u l-ETS.

B’referenza għall-Artikolu 4 tat-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

1.4.1.   B’referenza għall-aħħar parti tal-paragrafu “…l-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk kemm f’ambjenti pubbliċi u privati” frekwentati mit-tfal jew miż-żgħażagħ (postijiet fejn jilagħbu t-tfal fuq barra, postijiet ta’ divertiment, discos barra jew ġewwa, klabbs, bars frekwentati mit-tfal jew miż-żgħażagħ taħt l-età tat-18-il sena, u postijiet oħra ta’ dan it-tip).

B’referenza għall-Artikolu 6 tat-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

1.5.1.   Id-definizzjoni tal-punti fokali nazzjonali għall-kontroll tat-tabakk għandha tinkludi l-frażi “u għall-kontroll jew it-tneħħija tal-espożizzjoni tal-pubbliku għall-ETS.”

2.   Konklużjonijiet

2.1.   Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 8 tal-FCTC – bil-għan li jinħoloq ambjent totalment ħieles mit-tipjip, b’konformità ma’ Prinċipju 1 tal-Linji Gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 li jidher fil-punt 6 tal-Anness għal COM(2009) 328 (1). Filwaqt li l-Kumitat jaħseb li r-rakkomandazzjoni tal-UE hija strument utli għal dan il-għan, ma tipprovdix ħafna garanziji. Jekk l-implimentazzjoni u l-effikaċja tagħha turi li hija inadegwata, il-Kummissjoni għandha tipproponi strument vinkolanti mill-iktar fis possibbli.

2.2.   Il-Kumitat jemmen li għandha titwettaq riċerka fil-livell tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-effetti ta’ ħsara tat-tipjip fuq it-tfal u ż-żgħażagħ u dwar il-livell ta’ espożizzjoni tagħhom għall-ETS. Sabiex jitfasslu strateġiji u programmi effettivi fil-ġejjieni, għandu jsir stħarriġ fost min ipejjep sabiex tiġi stabbilita l-età li fiha pejpu l-ewwel sigarett u r-raġunijiet għalfejn bdew ipejpu meta kienu tfal jew żgħażagħ.

2.3.   Billi l-Parlament Ewropew talab lill-Istati Membri biex jieħdu impenn li jnaqqsu t-tipjip fost iż-żgħażagħ mill-inqas b’50 % sal-2025, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkwantifikati l-effetti ta’ ħsara tanġibbli tat-tipjip fuq iż-żgħażagħ, sabiex wara jitfasslu objettivi fil-livell tal-UE li jiġu segwiti mill-Istati Membri bil-għan li jonqos il-konsum tat-tabakk fost iż-żgħażagħ. Ta’ min jinnota li l-Kumitat ma jixtieqx jissuġġerixxi li l-miżuri kontra t-tabakk għandhom jiġġeddu sal-2025. Għall-kuntrarju, jisħaq fuq l-urġenza ta’ dawn il-miżuri, minħabba l-implikazzjonijiet serji għas-saħħa tal-bniedem u l-ispejjeż kbar involuti.

2.4.   Il-Kumitat iqis li huwa assolutament essenzjali li jiġi pprojbit it-tipjip, u bis-saħħa t’hekk l-espożizzjoni tal-ETS f’postijiet frekwentati mit-tfal u ż-żgħażagħ (grupp ta’ età ta’ taħt it-18-il sena), li jinkludu l-faċilitajiet ta’ divertiment bħall-klabbs, discos ġewwa, il-bars, il-grounds tal-isport, il-faċilitajiet ta’ divertiment għat-tfal, eċċ. Din il-miżura tista’ ssalva xi żgħażagħ mill-ġenerazzjoni attwali ta’ bejn il-15 u t-18-il sena li huma l-iktar esposti għar-riskju tat-tipjip u l-ETS. Ġeneralment ikun bejn l-età ta’ 15 u 18-il sena li xi wħud jagħżlu li jpejpu l-ewwel sigarett u li jaqilbu mit-tipjip passiv għat-tipjip attiv.

2.5.   Il-Kumitat iqis il-programmi edukattivi fil-primarja u s-sekondarja li jkollhom l-għan li jippromovu stili ta’ ħajja f’saħħitha u armonjuża bħala essenzjali. Fil-livell tal-UE, it-tfal u ż-żgħażagħ għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni regolari, preċiża u sħiħa dwar il-konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għall-ETS, sabiex ikunu konxji tar-riskji kollha relatati u sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata u responsabbli. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta wkoll bi sħubija mal-NGOs; dak li huwa importanti hu li l-informazzjoni tkun aċċessibbli, regolari u adattata għall-motivazzjonijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ, interattiva u innovattiva, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà tagħhom innifishom, liberament u bl-għarfien sħiħ tal-fatti.

2.6.   Il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar l-istili ta’ ħajja f’saħħitha, imfassla għal kull grupp ta’ età u sezzjoni tas-soċjetà, biex in-nies ikunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà għall-għażliet tagħhom stess bl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi kemm għalihom, kif ukoll, fejn ikun rilevanti, għal uliedhom.

2.7.   Il-Kumitat jinkoraġġixxi l-politiki promossi mill-NGOs u mis-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-azzjonijiet għall-protezzjoni kontra l-espożizzjoni għat-tipjip u l-ETS, b’mod partikolari dawk immirati lejn il-membri żvantaġġjati tas-soċjetà li qegħdin fir-riskju li jitilfu mhux biss l-indipendenza soċjali tagħhom iżda wkoll l-indipendenza personali billi jagħmlu ħsara lil saħħithom u ftit ftit jibdew jitilfu l-funzjonijiet vitali. Għandu jkun hemm protezzjoni speċjali kontra l-espożizzjoni tal-ETS għat-tfal żvantaġġjati li jgħixu f’ambjenti b’livell għoli ta’ espożizzjoni għad-duħħan sekondaman, kif ukoll għat-tfal li jgħixu fit-triq, iż-żgħażagħ u gruppi oħra.

3.   Sfond u kummenti ġenerali

3.1.   Argumenti mediċi u soċjali dwar it-tipjip u l-livelli ta’ espożizzjoni għall-ETS

3.1.1.   Ir-riċerka turi li kull sigarett li tpejjep inaqqaslek tmien minuti minn ħajtek (2). It-tabakk huwa l-ikbar kawża ta’ mewt, mard u diżabbiltà li jistgħu jiġu evitati fl-UE, b’madwar 650 000 ħajja mitlufa kull sena (3).

3.1.2.   Id-duħħan tat-tabakk huwa taħlita tossika kumplessa ta’ iktar minn 4 000 sustanza, li jinkludu velenu bħaċ-ċjanur tal-idroġenu (hydrogen cyanide), l-ammonja u l-monossidu tal-karbonju, minbarra 50 (preċiżament 69 (4)) sustanza li huma karċinoġeniċi bi provi; għalhekk, it-tipjip huwa sors mifrux ta’ mortalità u morbidità fl-UE. Mil-lat xjentifiku, it-terminu Duħħan Ambjentali tat-Tabakk (ETS) għandu jiġi sostitwit b’ Duħħan Ambjentali tat-Tabakk Karċinoġeniku (ECTS).

3.1.3.   L-espożizzjoni kronika għad-duħħan sekondaman ġiet stabbilita bħala kawża ta’ ħafna mill-istess mard li huwa kkawżat ukoll mit-tipjip attiv, inkluż il-kankru tal-pulmun, il-mard kardjovaskulari u l-mard tat-tfal.

3.1.4.   L-espożizzjoni għall-ETS tista’ twassal għall-mard tal-qalb u l-kankru tal-pulmun fl-adulti. Tista’ tikkawża attakk tal-puplesija, l-ażma u mard kroniku ta’ mblokkar pulmonari (Chronic Obstructive Pulmonary Disease – COPD) fl-adulti (5) u tista’ twassal sabiex jiggravaw kondizzjonijiet li kienu diġà jeżistu bħall-ażma u s-COPD (6).

3.1.5.   Ir-riċerka u d-definizzjonijiet tar-riskji tal-espożizzjoni għall-ETS żviluppaw tul iż-żmien. Termini bħat-tipjip passiv u l-espożizzjoni involontarja għad-duħħan tat-tabakk għandhom jiġu evitati, kif turi l-esperjenza fi Franza u bnadi oħra fejn dawn jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw pożizzjoni fejn l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk tista’ tkun volontarja u għaldaqstant, tkun aċċettabbli. B’konformità mal-kuntest xjentifiku ġdid, it-terminu ETS għandu jiġi sostitwit bit-terminu ECTS (Environmental Carcinogenic Tobacco Smoke - Duħħan tat-Tabakk Ambjentali Karċinoġeniku).

3.1.6.   L-ETS huwa ta’ ħsara partikolari għat-tfal, billi jikkawża l-ażma, il-pnewmonja u l-bronkite, sintomi respiratorji, il-mard tal-widna tan-nofs u s-sindromu tal-mewt f’daqqa fit-tfal (5).

3.1.7.   Skont stimi konservattivi, mietu 7 300 adult, inklużi 2 800 li ma jpejpux, b’riżultat ta’ espożizzjoni għall-ETS fil-post tax-xogħol fl-UE-25 fl-2002. L-imwiet ta’ 72 000 persuna oħra, inklużi 16 400 li ma jpejpux, kienu kkawżati minn espożizzjoni mill-ETS fid-dar (7).

3.1.8.   L-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk b’mod ġenerali jew fil-post tax-xogħol hija pprovata li żżid b’mod sostanzjali r-riskju tal-kanċer tal-pulmun, u pereżempju l-impjegati fl-istabbilimenti tal-ikel fejn it-tipjip huwa permess, għandhom 50 % (8) iktar ċans li jiżviluppaw il-kanċer tal-pulmun mill-impjegati li mhumiex esposti għad-duħħan tat-tabakk.

3.1.9.   L-espożizzjoni għat-tabakk matul it-tqala tista’ tirriżulta f’riskju ogħla ta’ deformitajiet, korrimenti, twelid ta’ trabi mejta u twelid prematur.

3.2.   Argumenti soċjoloġiċi bbażati fuq l-Ewrobarometru rigward il-politiki kontra t-tipjip u l-politiki dwar l-espożizzjoni għall-ETS

3.2.1.   Skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-Attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-Tabakk, il-politiki tal-ambjenti mingħajr tipjip huma popolari fost il-pubbliku Ewropew, b’84 % favur projbizzjoni tat-tipjip fl-uffiċċji u postijiet tax-xogħol li jinsabu ġewwa, 77 % huma favur il-projbizzjoni tat-tipjip fir-ristoranti u 61 % huma favur bars u stabbilimenti fejn it-tipjip mhuwiex permess.

3.2.2.   Kważi 70 % taċ-ċittadini tal-UE ma jpejpux (9), u studji juru li l-maġġoranza ta’ dawk li jpejpu jixtiequ jieqfu (10).

3.2.3.   L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sab li tliet kwarti tal-Ewropej kienu konxji li d-duħħan tat-tabakk jirrappreżenta riskju għas-saħħa ta’ min ma jpejjipx, filwaqt li 95 % ammettew li t-tipjip fil-kumpanija ta’ mara tqila jista’ jkun perikoluż ħafna għat-tarbija.

3.2.4.   Fl-aħħar tal-2006, ġie stmat li 28 % tal-impjegati fl-uffiċċji tal-UE kienu esposti għall-ETS fuq bażi ta’ kuljum fil-post tax-xogħol tagħhom, filwaqt li fl-aħħar tal-2008, 39 % tal-persunal tal-bars u r-ristoranti kienu esposti. Studju reċenti ieħor (2006) wera li madwar 7,5 miljun ħaddiem fl-UE huma esposti għall-ETS fuq il-post tax-xogħol (11).

3.2.5.   Il-konsum tat-tabakk jiswa l-mijiet ta’ biljuni kull sena fi spejjeż għas-saħħa fl-ekonomiji Ewropej. Dawn l-ispejjeż jinġarrbu mill-popolazzjoni sħiħa u mhux biss minn dawk li jiġġenerawhom. L-ispiża tal-espożizzjoni għall-ETS biss fl-UE-27 ġiet stmata għal madwar EUR 2,46 biljun fis-sena (12), li fosthom EUR 1,3 biljun jikkostitwixxu l-ispiża medika għall-mard relatat mat-tabakk (li jinkludu EUR 560 miljun fi spejjeż għal persunal li ma jpejjipx) u ’l fuq minn EUR 1,1 miljun li jikkostitwixxu spejjeż mhux medikali marbuta mat-telf fil-produttività (li jinkludu EUR 480 miljun fi spejjeż għal persunal li ma jpejjipx).

3.3.   Id-dmir tal-ħarsien tal-pubbliku mill-espożizzjoni għall-ETS jinbet mill-bżonn ta’ rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem (id-dritt għall-ħajja u l-istandards tas-saħħa)

3.3.1.   Id-dmir tal-ħarsien tan-nies mid-duħħan tat-tabakk, inkorporat fit-test tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (Framework Convention on Tobacco Control – FCTC), huwa msejjes fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem. Fil-kuntest tal-perikli tan-nifs tad-duħħan sekondaman tat-tabakk, id-dmir tal-ħarsien mid-duħħan tat-tabakk huwa impliċitu, fost l-oħrajn, fid-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-ksib tal-ogħla standard tas-saħħa, kif inhu rikonoxxut f’ħafna strumenti legali internazzjonali (li jinkludu l-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar it-Tneħħija ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u l-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali), kif inhuma inkorporati formalment fil-preambolu tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO u kif inhuma rikonoxxuti fil-kostituzzjonijiet ta’ ħafna nazzjonijiet.

3.3.2.   Id-dmir tal-ħarsien tal-individwi mid-duħħan tat-tabakk jikkorrispondi għall-obbligu tal-gvernijiet li jdaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-individwi kontra t-theddid għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dan l-obbligu jestendi għall-persuni kollha, u mhux biss għal ċerti popolazzjonijiet.

3.4.   Il-kuntest internazzjonali u Ewropew

3.4.1.   Id-duħħan tat-tabakk ambjentali ġie kklassifikat bħal karċinoġenu għall-bniedem mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti fl-1993, mid-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali tal-Istati Uniti fl-2000 u mill-Aġenzija Internazzjonali tad-WHO għar-Riċerka dwar il-Kanċer fl-2002.

3.4.2.   Fil-livell internazzjonali, l-FCTC tad-WHO, iffirmata minn 168 u rratifikata minn 141 parti, fosthom il-Komunità, tirrikonoxxi li l-evidenza xjentifika stabbilixxiet b’unanimità li l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk twassal għall-mewt, il-mard u d-diżabbiltà. Il-Konvenzjoni tobbliga lill-Komunità u lill-Istati Membri biex jindirizzaw l-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk fil-postijiet tax-xogħol li jinsabu ġewwa, fit-trasport pubbliku u fil-postijiet pubbliċi li jinsabu ġewwa. Skont l-Artikolu 8, il-partijiet huma obbligati li jipprovdu protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk.

3.4.3.   Skont l-istrateġija Ewropea tad-WHO tal-2004 għall-politika tal-waqfien tat-titjip, konsulenza intensiva ta’ iktar minn 10 minuti minn tabib għandha l-ogħla rata ta’ suċċess fil-ksib tal-astinenza fit-tul.

3.5.   Analiżi tal-impatt fuq l-iktar għażla favorevoli mill-ħames għażliet ta’ politika tal-UE

3.5.1.   Nhar it-30 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni fetħet dibattitu pubbliku dwar il-kwistjoni billi ppubblikat Green Paper intitolata: Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE (COM(2007) 27 finali). Il-ħames għażliet ta’ politika tal-UE huma: 1) l-ebda bidla mill-istatus quo; 2) miżuri volontarji; 3) metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni; 4) rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni jew il-Kunsill; u 5) leġiżlazzjoni vinkolanti.

3.5.2.   Fl-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni tinnota li billi hija ta’ natura obbligatorja, l-għażla ta’ politika 5 (leġiżlazzjoni vinkolanti) tkun l-iktar effettiva fit-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mid-duħħan tat-tabakk ambjentali, billi l-espożizzjoni għall-ETS fil-fatt titneħħa fil-postijiet kollha tax-xogħol li jkunu magħluqa. Madankollu, l-implimentazzjoni tista’ ddum iktar milli fil-każ tal-għażla 4 (rakkomandazzjoni mill-Kunsill). L-għażla ta’ politika 1 (l-ebda bidla mill-istatus quo) ikollha l-inqas impatt fuq it-tnaqqis tal-livelli tal-ETS u l-ħsara assoċjata għas-saħħa. It-tendenza attwali kontra t-tipjip hija mistennija tkompli, iżda b’ritmu inqas mgħaġġel. L-għażliet 2 u 3 jista’ jkollhom effetti simili u jwasslu għal tnaqqis modest biss fl-ETS meta mqabbel mal-għażla 1 (status quo). Għażla 3 (l-implimentazzjoni tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni) tista’ tkun bil-mod u mhux adatta biex tiġi indirizzata problema bħall-ETS. L-impatt tal-għażla 4 (rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni) jista’ jkun limitat billi jista’ jkun li l-għażla ma jirnexxilhiex toħloq sens ta’ obbligu fost l-Istati Membri. Huwa mistenni li l-għażla 4 jkollha benefiċċji ikbar għas-saħħa billi jinħoloq l-effett tas-sjieda, u li l-impatt tagħha jinħass relattivamet iktar malajr.

4.   L-iktar gruppi vulnerabbli esposti għad-duħħan ambjentali tat-tabakk u l-istrateġiji biex tiġi indirizzata din il-problema

4.1.   L-iktar gruppi vulnerabbli esposti għad-duħħan ambjentali tat-tabakk huma: it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, il-persuni żvantaġġjati u l-ħaddiema fl-industrija tal-ospitalità.

4.2.   F’termini kawżali, il-problema tal-espożizzjoni għall-ETS għandha tiġi indirizzata flimkien mal-konsum tat-tabakk u b’konsiderazzjoni tat-tipoloġija speċifika tal-pubbliku destinatarju. 80 % tal-persuni fl-UE li jpejpu ammettew li jpejpu d-dar. L-istrateġiji mmirati lejn it-tnaqqis tat-tipjip u l-espożizzjoni għall-ETS għandhom jimmiraw b’mod partikolari lejn it-tfal, iż-żgħażagħ u l-ġenituri.

4.3.   Madwar 31 % taċ-ċittadini tal-UE li għandhom iktar minn 15-il sena jgħidu li jpejpu (26 % ipejpu kuljum u 5 % kultant) (13). Ir-rata tat-tfal li jpejpu togħla b’rata mgħaġġla minn 11-il sena ’l fuq. Il-livelli għoljin ta’ konsum tat-tabakk li ġew osservati għall-etajiet taħt it-18-il sena jikkonfermaw l-idea li ż-żgħażagħ jibdew ipejpu meta jkunu għadhom tfal (14). L-Ewrobarometru ma jagħmel l-ebda referenza għall-ewwel sigarett li jkunu pejpu. Madankollu, l-istatistika nazzjonali ta’ xi pajjiżi (15) turi li l-biċċa l-kbira bdew ipejpu fi tfulithom: 53 % (5,5 % pejpu l-ewwel sigarett qabel l-età ta’ 15-il sena, 47,5 % bejn l-etajiet ta’ 15 u 19-il sena). Iktar minn nofs l-irġiel li jpejpu (51,4 %) bdew ipejpu bejn l-etajiet ta’ 15 u 19-il sena. Waħda mis-sezzjonijiet tal-iktar grupp soċjali vulnerabbli – it-tfal li jgħixu fit-triq – pejpu l-ewwel sigarett qabel l-età ta’ 5 snin (16). Il-ħajja fit-triq, speċjalment għat-tfal żvantaġġjati, iż-żgħażagħ u l-adulti, hija assoċjata ma’ livell għoli ta’ konsum tat-tabakk u l-espożizzjoni għall-ETS.

4.4.   Il-konċentrazzjoni tal-ETS hija partikolarment għolja u perikoluża f’postijiet tad-divertiment (klabbs, bars, discos barra u ġewwa, eċċ.) kemm għall-klijenti (ċerti kategoriji taż-żgħażagħ, eċċ.) u l-persunal (ħaddiema fl-ospitalità). Espożizzjoni ta’ erba’ sigħat f’diskoteka hija simili għas-sitwazzjoni ta’ min qed jgħix ma’ persuna li tpejjep tul perijodu ta’ xahar (17).

4.5.   Minbarra l-istrateġiji ta’ sensibilizzazzjoni permezz tal-mezzi tax-xandir, qabel kollox hemm bżonn ta’ strateġiji edukattivi preventivi. L-NGOs ippromovew servizzi innovattivi ta’ informazzjoni, edukazzjoni u prevenzjoni mmirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ rigward ir-riskji tat-tipjip u l-espożizzjoni għat-tipjip. Fil-livell tal-UE, waħda mis-soluzzjonijiet potenzjali tkun li jiġu standardizzati dawn il-prattiki tajbin billi jiddaħħlu programmi edukattivi fis-sistema tat-tagħlim, kif ukoll billi jiġu pprovduti servizzi konsultattivi fin-netwerk Ewropew tal-uffiċċji ta’ pariri għaċ-ċittadini jew iċ-ċentri ta’ pariri tal-iskejjel għall-ġenituri u t-tfal. Il-klabbs komunitarji għat-tfal u l-ġenituri, il-programmi edukattivi fuq il-linji ta’ “skola” jew “università” għall-ġenituri huma eżempji ta’ prattika tajba li jistgħu jgħinu fl-isforz għall-prevenzjoni tat-tipjip u l-espożizzjoni għat-tipjip kemm l-iskola, u b’mod partikolari d-dar, fejn il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrispetta l-ħajja privata taċ-ċittadini.

5.   Kampanji pożittivi u b’informazzjoni sħiħa fil-mezzi tax-xandir għall-promozzjoni tas-saħħa naturalment inaqqsu t-tipjip u l-espożizzjoni għall-ETS

5.1.   Fil-livell tal-UE, żewġ kampanji kontra t-tipjip fil-mezzi tax-xandir – Feel free to say no (2001-2004) u HELP: For a life without tobacco (2005-2008) - immiraw li jiffukaw fuq il-perikli tat-tipjip passiv u l-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja mingħajr it-tabakk, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ.

5.2.   Rigward l-emendar tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/641/KE tal-5 ta’ Settembru 2003, il-Kumitat iqis li kull twissija għandha tagħti dettalji ċari wkoll dwar il-kontenut tas-sigarett u n-natura tal-karċinoġeni u t-tossiċi li jkun fih, b’mod partikolari l-preservattivi u l-ingredjenti l-oħra, u għandha tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt għall-għajnuna għall-waqfien mit-tipjip, bħan-numru rilevanti tat-telefon bla ħlas jew is-sit tal-internet.

5.3.   Għalkemm 80 % mill-persuni li jpejpu jew li kienu jpejpu fl-UE ftakkru f’kampanja kontra t-tabakk, 68 % minnhom iddikjaraw li kampanji bħal dawn ma wasslux sabiex ikunu jridu jieqfu mit-tipjip (18). l-Kumitat jirrakkomanda li jsiru kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-mezzi tax-xandir imsejsa fuq il-prinċipji li ġejjin:

l-enfasi fuq in-nifs bħala funzjoni umana vitali u r-rabta intrinsika bejn il-kwalità tal-arja li minnha nieħdu n-nifs u l-kwalità ta’ ħajja tagħna (aħna niddependu mill-arja li minnha nieħdu n-nifs!);

il-promozzjoni ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa;

l-użu tal-prinċipji ta’ suġġerimenti pożittivi – permezz tal-enfasi fuq il-ħolqien ta’ stili ta’ ħajja f’saħħithom, it-tipjip u l-ambjenti tat-tipjip jintesew;

l-adattar tal-messaġġ għall-gruppi destinatarji individwali, b’enfasi fuq il-motivazzjonijiet speċifiċi tad-diversi gruppi ta’ età (pereżempju fil-każ taż-żgħażagħ dawn huma l-prestazzjoni u kif jaraw lilhom innifishom);

it-tħeġġiġ u l-promozzjoni ta’ ċerti approċċi sportivi, edukattivi u kulturali li, mid-definizzjoni tagħhom stess jeskludu l-konsum tat-tabakk: l-isport ta’ prestazzjoni (l-għawm, iċ-ċikliżmu, il-handball, eċċ.), il-metodi tat-taħriġ, il-difiża personali u/jew il-konoxxenza proprja (il-karate, it-tai-chi, il-yoga (19), il-qigong, eċċ.) kif ukoll filosofiji li jeskludu t-tipjip. Il-livelli ta’ espożizzjoni tal-ETS fil-postiijiet pubbliċi użati għal attivitajiet bħal dawn qed joqorbu 0 %; u

permezz tal-mezzi tax-xandir, il-promozzjoni ta’ ċerti personalitajiet sportivi, fil-qasam tal-kultura jew tal-politika bħala mudelli li jgħixu ħajja bbilanċjata u li ma jpejpux.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Miżuri effettivi biex tingħata protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk, kif previsti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO, jeħtieġu l-eliminazzjoni totali tat-tipjip u d-duħħan mit-tabakk fi spazju jew ambjent partikolari biex jinħoloq ambjent totalment ħieles mid-duħħan. Ma hemm l-ebda livell ta’ espożizzjoni għad-duħħan mit-tabakk li huwa bla periklu, u nozzjonijiet bħal livell minimu għat-tossiċità mid-duħħan sekondaman għandhom ikunu rrifjutati, billi hemm evidenza xjentifika li tikkontradixxihom.” (COM(2009) 328 finali/Anness/Prinċipju 1, p.11).

(2)  Smoking, Soros Foundation, 888 Seventh Avenue, NY 10106, 1992.

(3)  Tobacco or health in the European Union: Past, present and future, ASPECT Consortium, Ottubru 2004.

(4)  Rand Impact Assessment, RAND Corporation.

(5)  Surgeon General (2006). op. cit.

(6)  Foreman, M. G., D. L. DeMeo, et al. Clinical determinants of exacerbations in severe, early-onset COPD, European Respiratory Journal 30(6): 1124-1130.

(7)  The Smoke free Partnership (2006). Lifting the smokescreen: 10 reasons for a smoke free Europe, European Respiratory Society, Brussell, il-Belġju.

(8)  Siegel M. Involuntary smoking in the restaurant workplace. A review of employee exposure and health effects. JAMA. 1993 Lulju 28;270(4):490-3.

(9)  L-indikatur nru 23 tas-Saħħa Komunitarja Ewropea: “Dawk li jpejpu regolarment”: http://europa.eu.int/comm/health/ph_information/dissemination/echi/echi_en.htm.

(10)  Fong GT, Hammond D, Laux FL, Zanna MP, Cummings KM, Borland R, Ross H. The near-universal experience of regret among smokers in four countries: findings from the International Tobacco Control Policy Evaluation Survey. Nicotine Tob Res. 2004 Diċ;6 Suppl 3:S341-51.

(11)  Jaakkola M., Jaakkola J. (2006) Impact of smoke-free workplace legislation on exposure and health: possibilities for prevention. Eur Resp J; 28: 397-408.

(12)  SEC(2009) 895 paġ. 3, punt 2.1.2.

(13)  L-Ewrobarometru 253, Marzu 2009, Survey on tobacco, The Gallup Organisation, l-Ungerija, p. 7, paragrafu 1.

(14)  Tobacco Free Policy Review Group. (2000), Towards a tobacco free society: report of the Tobacco Free Policy Review Group, Pubblikazzjoni tal-Gvern, Stationery Office, Dublin, (http://www.drugsandalcohol.ie/5337/), p. 29, paragrafu 1.

(15)  L-istitut nazzjonali tal-istatistika, ir-Rumanija

(16)  Terapii Asociate pentru Integrarea Copiilor Strazii [Terapiji assoċjati għall-integrazzjoni tat-tfal li jgħixu fit-triq], Eugen Lucan, riċerka għal-lawrja, 1996.

(17)  SK.Environmental tobacco smoke exposure in public places of European cities. Tob Control. 2005 Frar;14(1):60-3.

(18)  Ewrobarometru 239/2005, Jannar 2006, p. 58-59

(19)  Stħarriġ ippubblikat fuq l-internet sab li mis-37 % tal-persuni li wieġbu li kienu jpejpu qabel ma bdew il-yoga, kollha waqfu mit-tipjip. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-persuni li wieġbu ma kienu jieħdu d-drogi – http://yogaesoteric.net/content.aspx?item=3869&lang=EN.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati”

COM(2009) 382 – 2009/0105 (COD)

(2010/C 128/16)

Relatur ġenerali: is-Sur GRASSO

Nhar il-11 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur il-komunitajiet emarġinati

COM(2009) 382 – 2009/0105 (COD).

Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur Grasso bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’70 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi emendat l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-FEŻR (1) billi l-esperjenza prattika turi li l-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’dan ir-regolament ma jindirrizzawx kompletament il-bżonnijiet tal-livell prattiku.

1.2.   Il-KESE japprova l-proposta.

2.   Raġunijiet u rakkomandazzjonijiet

2.1.   Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta jiġu applikati għal kull komunità ermarġinata, u mhux biss għal dik imsemmija speċifikament fil-premessi tal-proposta. Bħala prinċipju, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

2.2.   Il-KESE huwa tal-fehma li jkun siewi li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta, li għandhom japplikaw kemm għas-sostituzzjoni ta’ djar eżistenti b’bini ġdid, kif ukoll għar-restawr ta’ bini eżistenti, filwaqt li jiġu garantiti ekonomiji tal-enerġija u s-sostenibbiltà.

2.3.   Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli s-semplifikazzjonijiet li qed isiru, iżda b’mod ġenerali jwissi kontra wisq bidliet fil-leġiżlazzjoni tul l-istess perijodu ta’ programmazzjoni billi dan jista’ jwassal għal iktar inċertezza amministrattiva għall-partijiet ikkonċernati meta r-regoli jinbidlu matul dan il-perijodu.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 emendat mir-Regolament (KE) Nru 397/2009, ĠU L 210/1, 31.7.2006.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u ma’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni finanzjarja”

COM(2009) 384 – 2009/0107 (AVC)

(2010/C 128/17)

Relatur ġenerali: is-Sur CEDRONE

Nhar il-11 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u ma’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni finanzjarja

COM(2009) 384 – 2009/0107 (AVC).

Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009) li jaħtar lis-Sur Cedrone bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’82 voti favur u 1 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq.

1.2.   Il-Kumitat b’mod ġenerali jilqa’ din il-proposta sakemm jitqiesu l-kummenti mressqa hawn taħt.

2.   Ġustifikazzjoni

2.1.   Is-semplifikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet

2.1.1.   L-istess bħall-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, għal bosta snin il-KESE ilu jitlob li d-dokumenti tal-Kummissjoni jiġu ssemplifikati u adattati biex jirriflettu l-ħtiġijiet reali (1). Il-KESE jaċċetta għalkollox l-emendi mmirati lejn is-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet, kif proposti mill-Kummissjoni fl-Artikolu 39, l-Artikolu 41(1) u (2), l-Artikolu 44, l-Artikolu 48(3), l-Artikolu 55(3) u (4), l-Artikolu 65(3), l-Artikolu 57(1) u (5), l-Artikolu 67(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.1.2.   Madankollu, il-Kumitat jixtieq isemmi li dawn il-bidliet m’għandhomx jitħallew joħolqu l-inċertezza amministrattiva għall-korpi u l-individwi kkonċernati, li ħafna drabi jaraw ir-regoli fis-seħħ jinbidlu matul l-istess perijodu ta’ programmazzjoni.

2.1.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li dawn il-proposti jirrappreżentaw il-minimu assolut meħtieġ biex tissolva l-kriżi tal-ekonomija u tal-qgħad li l-Ewropa għaddejja minnha bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja.

2.1.4.   Għaldaqstant, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkun iktar ambizzjuża hija u tiżviluppa l-proċess ta’ semplifikazzjoni li diġa għaddej. Il-livell li jmiss għandu jintlaħaq b’regolament emendat b’mod radikali, biex jiġi żgurat li l-proċeduri jkunu iktar sempliċi, ċari u preċiżi.

2.2.   Dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni finanzjarja

2.2.1.   Il-KESE jilqa’ l-bidliet proposti mill-Kummissjoni rigward l-Artikolu 77, l-Artikolu 78, l-Artikolu 78, l-Artikolu 88(3) u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.2.2.   Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri ma jopponux il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kofinanzjament.

2.2.3.   Madankollu, il-KESE jqis li l-bidliet proposti għall-Artikolu 77 m’għandhomx jiġu applikati b’mod ġenerali, iżda għandhom ikunu ristretti għal proġetti speċjali, bħall-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, eċċ., iktar milli għal proġetti li huma rilevanti b’mod partikolari għar-riżoluzzjoni tal-kriżi.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013”, ĠU C 228/141, 22.9.2009, u l-opinjoni dwar “il-proposti li ġejjin il-Proposta ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, rigward ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja”, ĠU C 218/107, 11.9.2009.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi”

COM(2008) 794 finali

(2010/C 128/18)

Relatur: is-Sur CALLEJA

Nhar is-27 ta’ Novembru 2008, il-Kumissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi

COM(2008) 794 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’123 vot favur, 4 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Sinteżi tar-rakkomandazzjonijiet

1.1.   Bħala prinċipju bażiku, l-aċċess għall-ħarsien ġuridiku effettiv huwa dritt fundamentali li għandu jkollhom il-konsumaturi fir-rigward tar-rimedju kollettiv. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent li jirrispetta l-limiti imposti mit-Trattat u d-differenzi ġudizzjarji nazzjonali tal-liġi proċedurali u kostituzzjonali.

1.2.   Miżuri leġiżlattivi tal-UE b’rabta mar-rimedju kollettiv jistgħu jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fit-tranżazzjonijiet transkonfinali.

1.3.   Is-sistema għandha tinkludi biżżejjed salvagwardji kontra t-talbiet frivoli u l-abbużi li jsiru minn partijiet li mhumiex il-konsumaturi minħabba l-inċentivi finanzjarji u l-profitt.

1.4.   Bħala prinċipju ġenerali, kull miżura tal-UE li tiġi adottata għandha tinkludi salvagwardji xierqa kontra l-introduzzjoni ta’ elementi li f’ġurisdizzjonijiet oħra wrew li jistgħu joħolqu l-abbuż. B’mod partikolari, kwalunkwe sistema ta’ rimedju kollettiv li tiġi introdotta għandha tagħti s-setgħa lill-imħallef, li jkun qed jikkunsidra s-sottomissjonijiet preliminari fuq każ ta’ rimedju kollettiv, biex iwaqqaf kull abbuż u jiżgura li t-talbiet li jitressqu huma meritevoli.

1.5.   L-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv m’għandhiex tipprekludi l-użu ta’ sistemi ta’ soluzzjoni barra l-qrati fir-rigward tat-tilwim tal-konsumaturi.

1.6.   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu aktar azzjonijiet sabiex tħeġġeġ lin-negozji jiżviluppaw sistemi interni ta’ trattament tal-ilmenti, sabiex jiżviluppaw aktar is-sistemi eżistenti ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u superviżjoni pubblika. Dawn ir-rimedji alternattivi jistgħu jiġu utilizzati mill-konsumaturi qabel ma jirrikorru għas-sistema ġudizzjarja.

1.7.   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni tal-UE li l-kwistjoni dwar ir-rimedju ġudizzjarju kollettiv ilha tiġi diskussa mill-1985 u li wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċizjonijiet u jkunu implimentati l-iskemi mingħajr aktar dewmien, għas-sodisfazzjon tal-konsumaturi.

2.   Introduzzjoni

2.1.   L-għan tal-Istrateġija tal-Kummissjoni tal-Politika tal-Konsumatur (1) huwa li tippromovi s-suq intern bl-imnut billi trendi lill-konsumaturi u lill-bejjiegħa bl-imnut kunfidenti li jixtru b’mod transkonfinali bl-istess mod kif inhuma f’pajjiżhom sal-2013. Fl-istrateġija tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ mekkaniżmi effettivi ta’ rimedju għall-konsumaturi u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tqis azzjoni dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi.

2.2.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqgħu bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb ir-rimedju tal-konsumaturi u b’mod partikolari li tqis azzjoni dwar ir-rimedju kollettiv (2). Kien hemm saħansitra Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar is-soluzzjoni u r-rimedju tat-tilwim tal-konsumaturi (3) li ħeġġet lill-pajjiżi membri tagħha biex jipprovdu lill-konsumaturi aċċess għal mezzi differenti ta’ rimedju, inklużi mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv.

2.3.   Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-rimedju kollettiv tal-konsumaturi li nħarġet f’Novembru 2008 (4) issa sabet modi ta’ kif tista’ tiffaċilita r-rimedju f’sitwazzjonijiet meta għadd kbir ta’ konsumaturi tkun saritilhom ħsara minħabba prattika ta’ kummerċjant wieħed li biha tkun qed tinkiser il-liġi tal-konsumatur. Il-Green Paper tippreżenta erba’ alternattivi.

2.4.   Il-Kummissjoni tal-UE organizzat ukoll laqgħa pubblika nhar id-29 ta’ Mejju 2009 sabiex tiddiskuti l-Green Paper, u sussegwentement ħarġet dokument li kien miftuħ għall-kummenti tal-pubbliku fejn hija inkludiet il-ħames alternattiva mal-erba’ alternattivi l-oħra għal azzjoni dwar ir-rimedju kollettiv li kienu elenkati fil-Green Paper. Din l-alternattiva riċenti tal-Kummissjoni ma tistax tkun ikkunsidrata mill-KESE f’dan l-istadju hekk tard tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Speċjalment minħabba li għad iridu jsiru l-istimi tal-impatt. Aktar u aktar, meta anke f’dan l-istadju bikri, il-KESE diġà qed jantiċipa li din il-ħames alternattiva ser tkun qed tikkawża diffikultajiet sostanzjali fl-implimentazzjoni tagħha.

2.5.   Wieħed ma jistax jiċħad li l-aċċess għar-rimedju mill-konsumaturi meta l-kummerċjanti jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi jippromovi l-fiduċja tal-konsumatur fis-swieq u jtejjeb il-prestazzjoni tagħhom. Madankollu, dan l-għan jista’ jinkiseb biss jekk il-konsumaturi jkunu jafu li jekk ikollhom problema, id-drittijiet tagħhom se jiġu infurzati u se jirċievu rimedju adegwat.

2.6.   Sabiex tiġi garantita l-ekwità għall-partijiet ikkonċernati kollha, għandu jinsab bilanċ bejn l-interessti involuti kollha.

3.   Taqsira tal-Green Paper

3.1.   L-għan tal-Green Paper huwa “li tivverifika l-qagħda attwali tal-mekkaniżmi ta’ rimedju, b’mod partikolari f’każijiet fejn bosta konsumaturi probabbli jintlaqtu mill-istess ksur legali, u li tipprovdi alternattivi biex timla kwalunkwe lakuna għal rimedju effettiv li tiġi identifikata f’każijiet bħal dawn (5).” Il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa li ma tagħmilx distinzjoni bejn il-mekkaniżmi transkonfinali għat-talbiet tal-massa u l-mekkaniżmi purament nazzjonali. Il-Green Paper tipprova tidentifika wkoll il-kwistjoni ta’ jekk ċerti strumenti japplikawx għall-każijiet transkonfinali biss jew għall-każijiet nazzjonali wkoll.

3.2.   Il-Green Paper tiffoka fuq is-soluzzjoni tal-każijiet tat-talbiet tal-massa u tipprova tipprovdi mezzi effettivi ta’ rimedju kollettiv għaċ-ċittadini madwar l-UE li jintlaqtu minn prattika ta’ kummerċjant wieħed irrispettivament mill-post fejn issir it-tranżazzjoni. Tidentifika wkoll l-ostakli attwali ewlenin għall-konsumaturi biex jiksbu rimedju effettiv u l-fatturi li jikkontribwixxu għall-effikaċja u l-effiċjenza ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv.

3.3.   Il-Kummissjoni tgħid li l-istrumenti attwali Ewropej (6) mhumiex biżżejjed u tippreżenta erba’ alternattivi bil-għan li jindirizzaw il-kwistjonijiet rilevanti u li jipprovdu lill-konsumaturi mezzi xierqa u effikaċi ta’ rimedju, l-aktar permezz tal-istrument tar-rimedju kollettiv:

Alternattiva 1 – Id-dipendenza mill-miżuri nazzjonali u Komunitarji attwali sabiex jinkiseb rimedju xieraq għall-konsumaturi.

Alternattiva 2 – L-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiżguraw li l-konsumaturi madwar l-UE jkunu jistgħu jużaw il-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv li huma disponibbli fl-Istati Membri differenti.

Alternattiva 3 – Taħlita ta’ strumenti ta’ politika, li ma jorbtux jew li jorbtu, li flimkien jistgħu jsaħħu r-rimedju tal-konsumaturi billi jindirizzaw l-ostakli ewlenin.

Alternattiva 4 – Proċeduri ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv li jikkonsistu minn miżuri tal-UE li jorbtu jew li ma jorbtux.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Matul is-snin il-KESE appoġġja l-bżonn li tiġi definita, fuq livell Komunitarju, azzjoni kollettiva bil-għan li tiżgura kumpens effettiv f’każ li jinkisru d-drittijiet kollettivi.

4.2.   Sa mill-1992, f’żewġ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja l-KESE ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li jiġu identifikati possibbiltajiet ta’ azzjoni b’rabta mar-regolamentazzjoni tat-tilwimiet transkonfinali u li tingħaraf is-saħħa ta’ rappreżentazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fit-tilwimiet sew nazzjonali sew transkonfinali (7). Fuq l-istess nota, fl-opinjoni tiegħu adottata b’mod unanimu waqt is-sessjoni plenarja tal-1 ta’ Ġunju 1994, il-KESE stieden espressament lill-Kummissjoni tistabbilixxi proċedura uniformi għall-azzjonijiet kollettivi u r-rappreżentazzjoni konġunta, mhux biss sabiex jitwaqqfu l-prattiki illegali imma wkoll sabiex jiffaċilitaw l-azzjonijiet dwar il-ħlas tad-danni (8). Sussegwentement il-KESE indirizza dan is-suġġett f’diversi opinjonijiet (9). Fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2006 (10), il-KESE appoġġja l-preokkupazzjoni li esprimiet il-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha dwar l-azzjonijiet għad-danni f’każ li jinkisru r-regoli Komunitarji dwar l-antitrust, u kkonferma l-importanza li jkun hemm mezz effettiv ta’ rimedju għall-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust fl-opinjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2009 (11).

4.3.   Ladarba l-UE għandha dispożizzjonijiet għal drittijiet sostantivi tal-konsumatur armonizzati, il-KESE jaqbel li bl-istess mod l-UE għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri adegwati sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddefendu dawn id-drittijiet. Għaldaqstant, il-konsumaturi għandu jkollhom proċedura ta’ rimedju kollettiv fil-qorti sabiex issir ġustizzja bħalma jiġri f’każijiet oħra marbuta mat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Bħalma diġà stqarr il-KESE f’opinjonijiet preċedenti, ir-rimedju tal-konsumaturi huwa dritt fundamentali li għandu jagħti protezzjoni ġudizzjarja lill-interessi omoġeni kollettivi u individwali. L-azzjonijiet tal-UE huma meħtieġa għaliex id-drittijiet omoġeni kollettivi u individwali fl-UE m’għandhomx strument ġudizzjarju biex jagħmilhom effettivi u infurzabbli. Il-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv huma meħtieġa biex jagħtu lill-konsumatur possibbiltà realistika u effiċjenti li jikseb kumpens f’każ ta’ danni ta’ natura distinta, numeruża u simili.

4.4.   Barra minn hekk, it-titjib tal-kompetittività hija politika ewlenija tal-Unjoni Ewropea. Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, l-Unjoni Ewropea bniet korp ta’ leġiżlazzjoni sostantiva. Issa għandha tiżgura li dawn il-liġijiet jiġu applikati sabiex il-mutur ekonomiku jkun jista’ jirkupra bis-saħħa taż-żieda fin-negozju transkonfinali li jkun ibbażat fuq il-fiduċja li kwalunkwe tilwima tista’ tiġi solvuta malajr, bi ftit flus u b’regoli u proċeduri simili fis-suq uniku kollu. Il-konsumaturi jistgħu jisfaw vittmi ta’ prattiki inġusti fuq skala akbar, u għaldaqstant. huma neċessarji proċeduri sabiex jipprevjenu u jwaqqfu abbużi bħal dawn. L-infurzar, il-prevenzjoni, ir-rettifika u l-kumpens huma kollha importanti. L-ammonti tal-kumpens normalment ikunu żgħar għall-individwi, iżda fuq kollox, jistgħu jammontaw għal somom kbar.

4.5.   Fil-fehma tal-KESE, ir-rimedju ġudizzjarju għandu jkun disponibbli u jkun effettiv. Madankollu, is-soluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati tista’ tikkomplementa l-proċedimenti tal-qorti u tista’ toffri proċedura anqas formali u anqas għalja. Madankollu din teħtieġ li ż-żewġ partijiet involuti f’tilwima jkunu verament lesti jikkooperaw. B’dawn ir-rimedji barra mill-qorti, jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet ġusti, u fl-istess ħin ix-xogħol b’lura tal-qrati ma jibqax jiżdied.

4.6.   Madankollu, il-KESE jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti b’konformità mat-tradizzjonijiet kulturali u legali tal-Istati Ewropej.

4.7.   Il-KESE jemmen ukoll li tali strument ġudizzjarju tal-UE għandu jkun użat prinċiparjament għal drittijiet kollettivi fejn ikun hemm ksur tal-liġijiet tal-konsumatur u tar-regoli tal-kompetizzjoni.

5.   Kummenti speċifiċi dwar il-Green Paper

5.1.   Rimedju ġudizzjarju kollettiv

5.1.1.   Il-KESE jirrikonoxxi li għandu jiġi stabbilit mekkamiżmu ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv Ewropew konformi ma’ dak li qed jiġi propost f’Alternattiva 4 tal-Green Paper jekk wieħed irid li jkun hemm ġustizzja kemm favur il-konsumaturi kif ukoll favur il-kummerċ. Bil-ħolqien ta’ tali mekkaniżmu jkun jista’ jiġi pprovdut aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi kollha tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, il-qagħda finanzjarja tagħhom u l-ammont tad-dannu individwali li jkunu ġarrbu. Barra minn dan, tali mekkaniżmu jindirizza l-problema li għaraf il-Kunsill tal-Ministri tal-OECD fir-Rakkomandazzjoni dwar is-soluzzjoni u r-rimedju tat-tilwim tal-konsumaturi (12) li ħafna mill-oqfsa eżistenti għas-soluzzjoni u r-rimedju tat-tilwim tal-konsumaturi fid-diversi Stati Membri ġew żviluppati biex jittrattaw il-każijiet domestiċi u mhux dejjem huma adatti beix jipprovdu rimedju għall-konsumaturi minn Stati Membri oħra.

5.1.2.   Madankollu, il-KESE jagħraf ukoll li l-identifikazzjoni ta’ proċedura kollettiva armonizzata barra l-qorti jista’ jkollha d-diffikultajiet u l-iżvantaġġi tagħha li jkunu ġejjin mill-kumplessitajiet, spejjeż, tul ta’ żmien u sfidi oħra marbuta ma’ din il-proċedura. Fost dawn l-isfidi nsibu t-tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju sostanzjali tal-abbuż li jirriżulta mil-litigazzjoni kif ukoll il-mod ta’ finanzjament għal dawn l-azzjonijiet. Wieħed irid jiddeċiedi wkoll jekk għandux ikun hemm il-proċedura ta’ opt-in jew opt-out. Dawn iż-żewġ għażliet għandhom l-iżvantaġġi tagħhom bħalma diġà identifika l-KESE (13).

5.2.   Karatteristiċi ewlenin ta’ azzjoni kollettiva Ewropea

5.2.1.   Kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha, bħalissa 13-il Stat Membru biss għandhom mekkaniżmu ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv. Barra minn hekk, wieħed jista’ jidentifika tliet tipi differenti ta’ mekkaniżmi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala rimedju ġudizzjarju “kollettiv” f’dawk l-Istati Membri li bħalissa għandhom tali sistema.

5.2.2.   Ir-“rimedju kollettiv” huwa kunċett wiesa’ li jiffoka fuq ir-riżultat aktar milli fuq (jew il-) mekkaniżmu. Huwa jinkludi kwalunkwe mekkaniżmu li jista’ jwaqqaf jew jipprevjeni n-nuqqas ta’ konformità u/jew jagħti rimedju fl-aktar sens wiesa’, permezz tar-rettifika jew tal-kumpens. Billi nfirxu jew qed jinfirxu bosta proċeduri possibbli f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE, u ħafna mill-proċeduri huma innovattivi u sperimentali, ftit li xejn huwa possibbli li jiġi identifikat mudell li jkun preferut mill-oħrajn.

5.2.3.   Fid-dawl tad-differenzi fis-sistemi legali u b’konsiderazzjoni tal-possibbiltajiet varji eżaminati u s-suġġerimenti li saru f’opinjonijiet preċedenti dwar is-suġġett (14), il-KESE huwa favur:

Direttiva tal-UE biex tiżgura livell bażiku ta’ armonizzazzjoni u tħalli fl-istess ħin biżżejjed libertà għal dawk il-pajjiżi li s’issa għad m’għandhomx sistemi ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv. Barra minn dan, din id-direttiva sservi ta’ segwitu għad-direttiva dwar l-azzjonijiet għall-inġunzjoni;

Is-salvagwardji biex jiżguraw li l-azzjonijiet kollettivi ma jeħdux il-forma ta’ azzjonijiet fi gruppi bħal dawk użati fl-Istati Uniti. Kwalunkwe miżura legali adottata għandha tirrifletti t-tradizzjonijiet kulturali u legali Ewropej; l-uniku objettiv ta’ dawn il-miżuri għandu jkun il-kumpens u għandhom jistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-partijiet, u b’hekk iwasslu għal sistema li tħares l-interessi tas-soċjetà kollha. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ is-suġġeriment tal-Kummissjoni li kwalunkwe miżura, li tkun adottata sabiex tinbeda azzjoni ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv f’kull Stat Membru “għandha tevita elementi li jingħad li jħeġġu kultura ta’ litigazzjoni bħalma jingħad li teżisti f’xi pajjiżi mhux Ewropej, bħalma huma danni punittivi, drittijiet legali varjabbli skont il-kumpens u elementi oħra”;

Sistema konġunta ta’ azzjonijiet fi grupp li tiġbor fiha l-vantaġġi taż-żewġ sistemi ta’ opt in u opt out, u tiddependi min-natura tal-interessi kkonċernati, id-determinazzjoni tal-membri tal-grupp jew in-nuqqas tagħha, u d-dimensjoni tal-ħsara individwali, fil-każ ta’ opt in, hija r-responsabilità tal-partijiet konċernati li jiġbru f’azzjoni waħda l-pretensjonijiet individwali tagħhom għad-danni li jkunu sofrew, jekk jagħżlu l-opt out, l-azzjonijiet għandhom jiġu proposti mill-korpi rappreżentattivi u kwalifikati;

L-għoti tad-dritt lill-individwi li jagħżlu li jipparteċipaw fil-proċedimenti ta’ litigazzjoni u mhux sempliċement wieħed jippreżumi li huma atturi sakemm ma jagħżlux li ma jipparteċipawx. Il-KESE jirreferi għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn il-mekkaniżmi li ġew deskritti fl-opinjoni tiegħu tal-13 ta’ Frar 2008 (15). Din l-għażla għandha tiġi preferuta sabiex jittaffa l-impatt tal-azzjoni kollettiva, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li s’issa għad m’għandhomx tali proċedura;

L-istqarrija tal-Kummissjoni li kwalunkwe mekkaniżmu tal-UE għandu jipprevjeni talbiet mhux meritevoli u li l-imħallef jista’ jaqdi rwol importanti fid-deċiżjoni dwar jekk talba kollettiva hix ammissibbli jew mhux meritevoli. Il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-rwol importanti tal-imħallfin fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. L-imħallef għandu jingħata s-setgħa biex ikun jista’ jwaqqaf talbiet mhux meritevoli fi stadju bikri tal-proċedimenti tal-litigazzoni. Il-qrati mbagħad iwettqu inkjesta dwar il-mertu tat-talba ta’ attur u dwar jekk it-talba inkwistjoni tistax tkun soġġetta għal soluzzjoni kollettiva. B’mod partikolari, l-imħallef għandu jiżgura li l-identità tal-grupp tiġi stabbilità fuq il-bażi ta’ numru ta’ każijiet identiċi, u li d-danni li qed jintalbu għandhom oriġini komuni, jiġifieri jirriżultaw mill-fatt li l-istess kummerċjant jonqos milli jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu jew inkella iwettaqhom b’mod li mhux adegwat;

L-approvazzjoni lill-vittmi, tal-kumpens sħiħ tal-valur reali tat-telf li ġarrab, li jkopri mhux biss it-telf reali jew il-ħsara materjali u morali, iżda wkoll it-telf ta’ profitt u d-dritt li jaqilgħu l-imgħax. Tabilħaqq, sakemm l-infurzar pubbliku jiffoka fuq il-konformità u d-deterrenza, l-għan tal-azzjonijiet għad-danni huwa li jipprovdu kumpens sħiħ għad-danni li wieħed ikun sofra. Għaldaqstant Il-kumpens sħiħ għandu jinkludi t-telf effettiv, it-telf ta’ profitti u l-imgħaxijiet;

Il-fatt li tali mekkaniżmu ġudizzjarju kollettiv għandu jiggarantixxi s-sostenibbiltà f’termini ta’ finanzjament xieraq;

Il-fatt li s-sistema għandha taħseb ukoll għal sistema ta’ appell.

5.2.4.   L-aspetti l-oħra kollha ta’ dan il-mekkaniżmu ġudizzjarju għandhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Kwalunkwe azzjoni kollettiva introdotta fil-livell tal-UE għandha dejjem tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. M’għandha qatt tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fit-Trattat, sakemm dawn l-objettivi ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod xieraq mill-Istati Membri u għalhekk ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar permezz ta’ azzjoni fil-livell Komunitarju. Jeżistu diversi rekwiżiti nazzjonali, ġudizzjarji u kostituzzjonali li jistgħu jimpedixxu jew joħolqu oppożizzjoni għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, l-ewwel u qabel kollox l-Artikolu 5 tat-Trattat KE.

5.3.   Il-protezzjoni tar-rimedju tal-konsumatur permezz ta’ mezzi eżistenti

5.3.1.   Il-KESE diġà għaraf li l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju ġudizzjarju kollettiv fil-livell tal-UE, m’għandha bl-ebda mod tipprekludi l-użu ta’ sistemi ta’ soluzzjoni barra l-qrati għat-tilwim tal-konsumaturi. Dawn il-miżuri tal-aħħar ingħataw l-appoġġ kollu tal-KESE u l-potenzjal tagħhom għandu jkompli jiġi eżaminat bir-reqqa u żviluppat aktar (15), hekk kif ġie propost f’Alternattiva 3 tal-Green Paper tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-miżuri proposti mill-Kummissjoni f’Alternattiva 3 ma jissostitwixxux iżda jikkumplementaw l-adozzjoni ta’ strument ġudizzjarju tal-UE kif ġie definit hawn fuq.

5.3.2.   Sar enfasi konsiderevoli fuq il-mekkaniżmi barra l-qrati għas-soluzzjoni tat-tilwim. DĠ SANCO kkummissjona studju dwar il-mekkaniżmi għas-soluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim tal-konsumatur. Dan l-aħħar ġew approvati direttivi riċenti dwar il-mekkaniżmi għal talbiet żgħar (16), il-medjazzjoni (17) u l-estensjoni tal-EJ-NET (18). Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur kellha tippermetti ż-żewġ sistemi, dik pubblika u dik privata. Fl-2004 saret bidla fil-politika li jista’ jkollha konsegwenzi importanti bil-kundizzjoni li kull Stat Membru għandu jkollu awtorità pubblika ċentrali għall-koordinazzjoni tal-infurzar transkonfinali (19).

5.3.3.   Proċeduri interni ta’ trattament tal-ilmenti

Il-Kumitat jemmen li t-trattament effettiv tal-ilmenti mill-kummerċjanti jista’ jkun pass deċiżiv lejn it-tisħiħ tal-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq intern. Fil-fehma tal-KESE, huwa tal-akbar importanza li l-Kummissjoni tippromovi l-inizjattivi meħtieġa bl-involviment sine qua non tas-soċjetà ċivili u b’mod partikolari tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-kummerċ sabiex jiġi żgurat li jkun hemm qafas legali koerenti li jirregola l-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi ta’ trattament tal-ilmenti interni mill-kummerċjanti li l-fokus ewlieni tagħhom huwa t-trattament effikaċi tal-ilmenti tal-konsumaturi.

5.3.4.   Superviżjoni pubblika

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi estiż u mtejjeb l-infurzar tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-ombudsmen nazzjonali, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur. Madankollu, jirrakkomanda bis-sħiħ li t-tħaddim dettaljat ta’ dawn il-mekkaniżmi jiġi trattat f’direttiva sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ armonizzazzjoni madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. Kwalunkwe proposta ta’ dan it-tip għandha tillimita r-rimedji disponibbli għad-danni ta’ kumpens u tinkludi protezzjoni proċedurali b’saħħtiha għall-entitajiet li huma soġġetti għall-proċediment ta’ infurzar. Il-KESE jaħseb li l-approċċ tas-superviżjoni pubblika jista’ jiġi żviluppat f’netwerk ta’ ħidma interoperabbli li jkopri l-Istati Membri kollha, u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jirriżulta f’mod effettiv ħafna biex jidentifika operaturi li joperaw madwar l-UE u li jistgħu ikunu qed jiksru d-drittijiet tal-konsumaturi. Kampanji xierqa ta’ relazzjonijiet pubbliċi bil-għan li jqajmu l-kuxjenza tal-konsumaturi u jxerrdu l-informazzjoni jistgħu jħeġġu lill-konsumaturi jirrappurtaw il-ksur ta-drittijiet tagħhom.

5.3.5.   Mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim

Il-Kummissjoni tagħraf li l-iskemi eżistenti tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim tal-konsumaturi jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor u fi ħdan l-istess Stat Membru, u li anke fil-ġurisdizzjonijiet fejn dawn il-mekkaniżmi huma disponibbli jeżistu differenzi sinifikattivi ta’ natura speċifika għas-settur u b’rabta maż-żona ġeografika koperta. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-iskemi ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim fi ħdan l-UE jittrattaw prinċipalment it-talbiet individwali. Fir-rigward tal-istrumenti tal-UE (20), ir-rapport “An analysis and evaluation of alternative means of consumer redress other than redress through ordinary judicial proceedings”, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, jiżvela li l-prinċipji tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-partijiet terzi involuti fl-iskemi ta’ medjazzjoni/arbitraġġ stabbiliti fl-istrumenti msemmija lanqas biss huma rispettati fil-bażi tad-data EEC-NET. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tal-KESE r-rakkomandazzjonijiet eżistenti b’rabta mas-sistemi ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għandhom isiru strumenti leġiżlattivi vinkolanti. L-estensjoni tal-aċċess għall-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u tat-talbiet iż-żgħar tista’ twassal għas-soluzzjoni minnufih, ġusta, effiċjenti u bi spiża relattivament baxxa tal-kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2007) 99 finali.

(2)  Fir-riżoluzzjonijiet tagħhom dwar l-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur, il-PE stieden lill-Kummissjoni biex wara li tevalwa bir-reqqa l-kwistjoni ta’ rimedju għall-konsumaturi fl-Istati Membri “… tippreżenta, skont kif ikun xieraq, soluzzjoni koerenti fil-livell Ewropew li tipprovdi lill-konsumaturi kollha b’aċċess għall-mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għas-soluzzjoni ta’ lmenti transkonfinali” (A6-0155/2008); il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni “… biex tikkonsidra b’attenzjoni mekkaniżmi kollettivi ta’ rimedju u biex tressaq ir-riżultati tal-istudji kontinwi rilevanti, fid-dawl ta’ kwalunkwe proposta jew azzjoni possibbli”, ĠU C 166, 20.7.2007, p. 1-3.

Il-PE reġa’ tenna t-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni dwar il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji tal-bejgħ (A6-0187/2008). Il-kumitat ta’ inkjesta tal-PE dwar l-Equitable Life kien ukoll talab lill-Kummissjoni “… biex tkompli tinvestiga l-possibilità li jitwaqqaf qafas legali b’rekwiżiti proċedurali ċivili uniformi għall-azzjonijiet kollettivi transkonfinali Ewropej …” (A6-0203/2007). Fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu (ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1), il-KESE ppreżenta proposti fir-rigward tal-arranġamenti legali għall-mekkaniżmi ta’ RK.

(3)  http://www.oecd.org/dataoecd/43/50/38960101.pdf.

(4)  COM(2008) 794 finali.

(5)  COM(2008) 794 finali, p. 3.

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għas-soluzzjoni barra l-qrati għat-tilwim tal-konsumaturi (ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31 – mhux disponibbli bil-Malti) u Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE dwar il-prinċipji tal-korpi ta’ barra l-qrati involuti fis-soluzzjoni kunsenswali tat-tilwim tal-konsumatur (ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56 – mhux disponibbli bil-Malti); Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51); Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(7)  ĠU C 339, 31.12.1991, p. 16, ara punt 5.4.2) (mhux disponibbli bil-Malti) u ĠU C 19, 25.1.1993, p. 22) (ara punt 4.12, u sezzjoni 4 tal-istudju interessanti mehmuż magħha, magħmul minn Eric Balate, Pierre Dejemeppe u Monique Goyens u ppubblikat mill-KES, p. 103 et seq – mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 295, 22.10.1994, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  L-aktar waħda importanti fost dawn l-opinjonijiet kienet l-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suq uniku u l-protezzjoni tal-konsumatur: opportunitajiet u ostakli (ĠU C 39, 12.2.1996, p. 55 – mhux disponibbli bil-Malti), li tgħid li sa dik il-ġurnata ma kien sar l-ebda segwitu għas-suġġerimenti u l-proposti mressqa mill-KESE fl-opinjonijiet preċedenti dwar il-Green Paper; l-opinjoni dwar ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Is-suq uniku fl-1994 (COM(1995) 238 finali), li enfasizzat id-dewmien fl-implimentazzjoni effettiva tas-suq intern, partikolarment fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, u b’mod partikolari r-relazzjonijiet transkonfinali (ĠU C 39, 12.2.1996, p. 70 – mhux disponibbli bil-Malti); l-opinjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Prijoritajiet għall-politika tal-konsumaturi (1996-1998), li fiha l-Kumitat, filwaqt li laqa’ bi pjaċir il-proposta għal direttiva dwar l-azzjonijiet għall-inġunzjonijiet u l-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni dwar l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja, iddikjara li kien qed jistenna b’interess l-iżviluppi f’dan il-qasam, li f’dan il-qasam is-suq uniku kien ’il bogħod milli jitwettaq, u li “adeżjoni konxja għad-drittijiet tal-konsumaturi” hija kundizzjoni fundamentali sabiex tintrebaħ il-fiduċja ta’ dawn tal-aħħar (ĠU C 295, 7.10.1996, p. 64 – mhux disponibbli bil-Malti). L-istess tip ta’ tħassib jidher ukoll fl-opinjoni tal-KES dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlment Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt u l-effettività tas-suq uniku, COM(1996) 520 finali tat-23 ta’ April 1997 (ĠU C 206, 7.7.1997 – mhux disponibbli bil-Malti). Hawnhekk għandha ssir referenza għall-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin: l-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-politika tal-konsumaturi wara t-tkabbir (punt 11. 6) (ĠU C 221, 8.9.2005 – mhux disponibbli bil-Malti); l-opinjoni dwar il-programm ta’ azzjoni Komunitarju fil-qasam tas-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi 2007-2013, punt 3.2.2.2.1. (ĠU C 88, 11.4.2006 – mhux disponibbli bil-Malti); l-opinjoni dwar il-qafas legali għall-politika tal-konsumaturi (ĠU C 185, 8.8.2006 – mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  ĠU C 324, 30.12.2006, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u kkonferma l-ħtieġa ta’ azzjonijiet kollettivi maħsuba biex jiksbu rimedju b’tali mod li jwieġbu b’mod eżemplari għal ċerti għanijiet ewlenin: i) ir-rimedju effettiv għad-danni: dan jiffaċilita t-talba għall-ħlas tad-danni mressqa mill-organizzazzjonijiet f’isem il-konsumaturi milquta u jagħmel effettiv l-aċċess għall-ġustizzja; ii) il-prevenzjoni u d-dissważjoni ta’ mġiba antikompetittiva minħabba l-impatt soċjali wiesa’ ta’ dan it-tip ta’ azzjonijiet (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40.

(12)  REC(2007) 74 tat-12 ta’ Lulju 2007.

(13)  ĠU C 162, 25.6.2008.

(14)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 31 u ĠU C 228, 22.9.2009, p. 40.

(15)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1.

(16)  Regolament 861/2007 (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).

(17)  Direttiva 2008/52/KE (ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3).

(18)  COM(2008) 380 finali. – Opinjoni tal-KESE: ĠU C 175, 28.7.2009, p. 84.

(19)  Regolament 2006/2004 (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(20)  Rakkomandazzjoni 1998/257 u Rakkomandazzjoni 2001/310.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba”

COM(2008) 703 finali

(2010/C 128/19)

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar is-6 ta’ Novembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inwettqu l-benefiċċji tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva mtejba

COM(2008) 703 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (sessjoni tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’128 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jappoġġja l-approċċ iktar deċentralizzat u bbażat fuq in-netwerk għall-kooperazzjoni transkonfinali fis-suq uniku li ser jinkiseb permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI). Il-KESE jqis li s-sistema ser tgħin biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq uniku u biex jiġu adottati l-miżuri adegwati biex jiġu solvuti l-problemi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini u l-intrapriżi.

1.2.   L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata fid-diversi Stati Membri jistgħu jaqdu rwol attiv u sinifikanti fit-tħaddim tal-IMI. Jistgħu wkoll ixerrdu l-informazzjoni dwar is-sistema u l-funzjonament tagħha.

1.3.   Billi s-sistema tal-IMI ser tidentifika l-ostakli fil-livell nazzjonali li jxekklu l-applikazzjoni tajba tad-Direttiva dwar is-servizzi u dik dwar il-kwalifiki professjonali, u billi jista’ jkun li l-ambitu ta’ applikazzjoni tagħha jinfirex għal setturi oħra, ikun xieraq li l-Kummissjoni tħejji mekkaniżmu speċifiku ta’ twissija u/jew ta’ sanzjoni sabiex jitneħħew l-ostakli msemmija.

1.4.   Billi t-trażmissjoni tad-data tas-sistema IMI hija soġġetta għall-iskema ta’ protezzjoni tad-data personali stabbilita mil-liġi Komunitarja, il-KESE jirrakkomanda li l-persuni kkonċernati jiġu avżati minn qabel sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta’ aċċess stabbiliti mill-iskema, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Introduzzjoni

2.1.   L-Artikolu 10 tat-TKE jistabbilixxi, fuq bażi ġenerali, il-“prinċipju tal-lealtà Komunitarja” bejn l-Istati Membri u l-Komunità li ġie żviluppat b’mod wiesa’ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (1), u skont liema l-Istati Membri għandhom:

jadottaw il-miżuri kollha ta’ liġi nazzjonali neċessarji għall-implimentazzjoni tar-regoli u l-atti Komunitarji,

jikkooperaw bejniethom u mal-Komunità sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja.

2.2.   Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u l-Komunità s’issa ġiet żviluppata f’oqsma speċifiċi, bħat-taxxi (2) (bit-twaqqif ta’ uffiċċju ċentrali f’kull Stat Membru u bl-obbligu ta’ assistenza bejn l-Istati Membri), id-dwana, il-kompetizzjoni (netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali), jew saħansitra, pereżempju, il-politiki tal-ażil, l-immigrazzjoni u l-affarijiet esterni (ara l-programm ARGO-2002).

2.3.   Il-KESE indirizza l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u dawk Komunitarji f’opinjoni ta’ inizjattiva proprja (3), li fiha wasal għall-konklużjoni li proċeduri politiċi u nazzjonali ċari u effikaċi flimkien mat-titjib tal-leġiżlazzjoni u tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħha jiffurmaw parti integrali minn gvernanza Komunitarja tajba.

2.4.   Permezz tad-Deċiżjoni 2004/387/KE (4) tal-21 ta’ April 2004, inħoloq programm għall-provvista interoperabbli ta’ servizzi pan-Ewropej fl-ambitu tal-amministrazzjoni elettronika lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, lill-istituzzjonijiet Komunitarji u entitajiet oħra, kif ukoll lill-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej (programm IDABC). Din id-Deċiżjoni tinkludi l-applikazzjoni ta’ proġetti ta’ “interess komuni” u miżuri orizzontali li l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu koperti mill-Komunità b’mod proporzjonali għall-iskop tagħhom (Artikolu 10).

2.5.   Fis-17 ta’ Marzu 2006, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kumitat konsultattiv dwar is-suq intern approvaw il-Pjan Globali ta’ Applikazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) u l-iżvilupp tiegħu bil-għan li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (5) dwar il-protezzjoni tad-data personali fit-tħaddim tas-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern tikkwalifika lil din is-sistema bħala proġett ta’ interess komuni għall-applikazzjoni tal-IDABC.

2.6.   L-IMI twaqqfet bħala strument li jiffaċilita l-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi fl-ambitu tas-suq intern li jitolbu skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

3.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

In-nuqqas ta’ fiduċja fil-qafas legali u fis-superviżjoni fi Stati Membri oħra wasslet għall-multiplikazzjoni tar-regoli u l-irduppjar tal-kontrolli li għalihom huma soġġetti l-attivitajiet transkonfinali, u dan ħoloq wieħed mill-ikbar ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għal din ir-raġuni l-Istati Membri jridu jikkooperaw mill-qrib u jħeġġu l-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin.

3.1.1.   L-IMI ser tgħin lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligu legali tal-iskambju tal-informazzjoni. Bl-istess mod, ser tgħinhom jiżviluppaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni amministrattiva li mhumiex possibbli mingħajr sistema elettronika ta’ informazzjoni.

L-IMI tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għodda sempliċi biex jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u jibagħtulhom talba għall-informazzjoni permezz ta’ sett strutturat ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq oqsma speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.2.1.   L-IMI tfasslet biex tkun mezz effiċjenti u effikaċi biex titbaxxa l-ispiża unitarja tal-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, ħaġa li hija meħtieġa biex il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tkun implimentata sewwa. Madankollu ġie deċiż li jkun aħjar li s-sistema tiġi applikata f’żewġ oqsma limitati: ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, li diġà beda, u d-Direttiva dwar is-servizzi. L-esperjenza miksuba f’dawn iż-żewġ oqsma ser isservi għall-estensjoni futura tal-iskema għal setturi oħra li huma importanti għall-funzjonament tas-suq intern.

3.2.2.   B’hekk l-IMI ser tagħti kontribut biex tinħoloq il-klima ta’ fiduċja u kunfidenza li hija meħtieġa biex niżguraw li s-suq uniku jaħdem mingħajr intoppi u jagħti l-benefiċċji tiegħu.

3.3.   L-IMI hija għodda multilingwi mibnija għal UE b’27 Stat Membru u 23 ilsien uffiċjali, għalkemm ser tiġi implimentata fit-30 pajjiż taż-ŻEE. Il-multilingwiżmu huwa vantaġġ. Permezz tat-teknoloġiji l-ġodda u bis-saħħa tas-servizzi tat-traduzzjoni umani u awtomatiċi, l-IMI hija eżempju tajjeb tal-miżuri konkreti li l-UE tista’ tieħu biex iċċekken l-ostakli kemm jista’ jkun u tegħleb il-problemi fil-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet fl-Ewropa.

3.4.   Fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tal-gvernanza fis-suq uniku, l-IMI ser tikkontribwixxi għal approċċ għall-kooperazzjoni transkonfinali li jkun aktar effikaċi, deċentralizzat u bbażat fuq in-netwerk.

3.5.   Permezz tal-IMI l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw b’mod iktar effikaċi għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, billi din is-sistema tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jegħlbu ostakli kbar għall-komunikazzjoni prattika, bħad-differenzi lingwistiċi u n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar il-persuni ta’ kuntatt fi Stati Membri oħra. L-għan tagħha huwa li ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-Istati Membri.

3.6.   L-iżvilupp tal-IMI huwa msejjes fuq tliet prinċipji ewlenin:

li l-IMI ma timponi l-ebda obbligu addizzjonali fuq l-Istati Membri lil hinn minn dawk li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern;

li tipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu rrispettati d-diversi strutturi u kulturi amministrattivi fl-Ewropa;

l-IMI hija sistema unita, ibbażata fuq elementi li jistgħu jintużaw f’kuntesti oħra. Is-sistema hija mfassla biex taqdi r-rekwiżiti ta’ bosta strumenti leġiżlattivi dwar is-suq intern u b’hekk se tevita li jkun hemm proliferazzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza r-rabta bejn is-sistema tal-IMI u l-protezzjoni tad-data personali, li hija kompletament soġġetta għad-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-qasam, b’mod partikulari għad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.7.1.   Fil-fatt, l-aċċess għall-informazzjoni amministrata mill-IMI huwa llimitat għall-awtoritajiet u l-entitajiet nazzjonali identifikati bħala “awtoritajiet kompetenti” fid-Direttivi li s-sistema qiegħda tiġi applikata għalihom attwalment.

3.8.   Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li ser ikun hemm bżonn li jissaħħaħ l-investiment fit-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Il-Kummissjoni ser tesplora d-diversi għażliet u teżamina l-possibbiltà, fejn hemm bżonn, ta’ programm ta’ taħriġ u skambju.

3.9.   Fid-29 ta’ Ġunju 2009 (6) il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Fiha tikkunsidra l-adozzjoni ta’ approċċ ikkoordinat u kooperattiv li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bl-objettiv komuni li jittejbu t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku. Dan ifisser li l-Istati Membri jkollhom responsabbiltà maqsuma u b’konsegwenza ta’ dan jaqdu rwol iktar proattiv fil-ġestjoni tas-suq uniku.

4.   Kummenti ġenerali

L-approċċ ta’ kooperazzjoni transkonfinali iktar deċentralizzata u bbażata fuq in-network li huwa meħtieġ biex titnieda l-IMI ser isaħħaħ id-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-interess taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi. Għandhom jinżammu l-prinċipji fundamentali tal-flessibbiltà u l-użu mill-ġdid u m’għandhomx jiġu imposti obbligi addizzjonali fuq l-Istati Membri.

4.1.1.   Id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa applikat billi ċ-ċittadini jiġu pprovduti b’ informazzjoni preċiża u konkreta, b’mod flessibbli, fuq ir-rekwiżiti tal-Istati li fihom għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom, joffru servizz jew jaħdmu, u tal-awtoritajiet kompetenti li għandhom jikkuntattjaw għal dan il-għan. Barra minn hekk, indirettament is-sistema ser tipprovdi informazzjoni dwar l-ostakli nazzjonali mhux iġġustifikati li jxekklu l-libertajiet Komunitarji hekk kif iggarantiti mil-liġi Komunitarja, ħaġa li għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tirreaġixxi konsegwentement.

4.2.   Sabiex is-suq intern jaħdem tajjeb, jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u jibnu l-fiduċja fis-sistemi ta’ xulxin. B’hekk jikkontribwixxu għat-titjib tat-trasparenza u tal-gvernanza tajba. Biex tinkiseb kooperazzjoni transkonfinali stretta bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-kwistjonijiet marbutin mas-suq uniku, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu l-funzjonament tan-netwerks transkonfinali u s-sistemi elettroniċi tal-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, bħall-IMI.

4.3.   Id-Deċiżjoni 2004/387/KE (IDABC) tipprovdi skema li tiddefinixxi diviżjoni ġusta tal-ispejjeż marbutin mal-funzjonament u l-manteniment tas-servizzi pan-Ewropej tal- amministrazzjoni elettronika u tal-infrastruttura bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha (Art. 7–3). Konsegwentement, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu l-investimenti neċessarji biex l-IMI taħdem tajjeb. Il-KESE jqis li billi din hija kompetenza maqsuma u b’hekk responsabbiltà maqsuma, l-Istati Membri wkoll għandhom jagħmlu sforz addizzjonali.

Sabiex is-sistema tiġi implimentata b’mod effettiv, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fil-ġejjieni għandu jitwessa’ l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-IMI, li attwalment jinkludi biss id-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali u dik dwar is-servizzi fis-suq intern.

4.4.1.   Bil-għan li tinkiseb kooperazzjoni amministrattiva, id-Deċiżjoni 2008/49/KE tistabbilixxi sistema ta’ skambju u pproċessar tal-informazzjoni li, minħabba s-sensittività tagħha, tiġi allokata lid-diversi entitajiet amministrattivi involuti b’mod frammentarju, billi kull entità tiġi fdata bil-ġestjoni ta’ parti konkreta tas-sistema. B’hekk, minbarra l-Kummissjoni, l-IMI teħtieġ li jieħdu sehem il-parteċipanti nazzjonali li ġejjin: minn naħa l-koordinatur u min-naħa l-oħra l-utenti tas-sistema; dawn tal-aħħar, taħt is-superviżjoni tal-awtorità nazzjonali jew tal-koordinatur, jiġu identifikati skont id-diversi funzjonijiet li jagħtuhom l-amministratur tat-talbiet, l-allokatur, is-superviżur u l-amministratur lokali tad-data.

4.4.2.   Din is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva ser ikollha tiġi kkoordinata mas-sistemi ta’ kooperazzjoni amministrattiva stipulati fid-Direttivi li ser tiġi applikata għalihom, jiġifieri l-mekkaniżmi ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali magħżula għal dan il-għan fid-Direttiva dwar is-servizzi u d-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati r-rabtiet diretti jew indiretti bejn l-utenti tal-IMI u l-awtoritajiet nazzjonali identifikati fid-Direttivi msemmija, b’mod speċjali dawk li huma involuti fis-suq intern direttament jew indirettament.

4.4.3.   Ikun xieraq li, bl-iskop li jkun hemm koordinazzjoni mal-IMI, jiġu trattati dawn l-aspetti li ġejjin tad-Direttiva dwar is-servizzi:

a)

id-definizzjoni wiesgħa tal-awtorità kompetenti (Art. 4);

b)

l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt waħdieni (Art. 6) u punti ta’ kuntatt għall-assistenza reċiproka (Art. 28);

c)

l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni armonizzati u ta’ komunikazzjoni mal-applikanti (Art. 13);

d)

l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ twissija (Art. 32), li jista’ jagħti lok għall-ħolqien ta’ netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

4.4.4.   Fl-aħħar, u b’rabta mad-Direttiva dwar il-kwalifiki professjonali, ikun tajjeb li jiġu indirizzati l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li ġejjin:

a)

id-definizzjoni dettaljata tal-awtorità kompetenti u l-għoti ta’ akkreditazzjoni tal-attività professjonali minn organizzazzjonijiet professjonali (Art. 3);

b)

il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri għall-prestazzjoni ħielsa tas-servizzi (Art. 8);

c)

l-armonizzazzjoni tal-proċedura għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali (Art. 51);

d)

is-sistema speċifika ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tiddefinixxi t-termini tal-iskambju ta’ informazzjoni rigward azzjoni dixxiplinari jew sanzjonijiet kriminali, il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti u l-koordinazzjoni tagħhom (Art. 56), u fl-aħħar, l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali li jiġu inkarigati bil-provvista ta’ informazzjoni speċifika li tkun rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva (Art. 57).

4.4.5.   Il-Kumitat iqis li implimentazzjoni immedjata tal-IMI għandha tinkludi l-aspetti soċjali (perijodi ta’ ħlas għas-servizzi soċjali, pensjoni, eċċ.) marbutin mal-oqsma koperti minn din l-ewwel fażi. Il-KESE jemmen f’dan l-approċċ mhux biss għax bih jieħu pożizzjoni politika hekk kif għandu d-drawwa li jagħmel, iżda għax għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-aspett ekonomiku u dak soċjali fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet professjonali u tax-xogħol.

4.4.6.   Din il-konnessjoni kemm-il darba ġiet enfasizzata mill-Kumitat: pereżempju reċentement, fl-opinjoni tal-14.1.2009 (7) dwar id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-suq uniku, il-Kumitat innota li “l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kemm l-interessi leġittimi tan-negozju kif ukoll il-fatt li l-libertajiet ekonomiċi għandhom bżonn ikunu soġġetti għal regolazzjoni sabiex ikun żgurat li l-eżerċitar tagħhom ma jnaqqasx mid-drittijiet soċjali fundamentali rikonnoxxuti mil-liġi tal-UE, mill-istandards internazzjonali tax-xogħol u mil-liġijiet tal-Istati Membri individwali, li jinkludu d-dritt tan-negozjar u d-dritt tal-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi.”

4.4.7.   B’mod partikulari, il-Kumitat appoġġja l-miżuri ta’ armonizzazzjoni f’dan il-kuntest, bħall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali jew l-inizjattivi favur il-“mobbiltà” tal-pensjonijiet (8).

4.5.   Il-KESE jappoġġja l-idea li l-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha taħdem b’mod effikaċi u li s-suq intern juża l-potenzjal kollu tiegħu, kif ukoll li jiġu adottati l-miżuri adegwati sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu infurmati u mħarrġa sewwa.

4.6.   Sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva, jeħtieġ li jissaħħaħ il-funzjonament tal-IMI kif ukoll dak tal-organizzazzjonijiet li jikkooperaw fi ħdanu; min-naħa l-oħra l-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom rwol importanti x’jaqdu, b’mod speċjali permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni dwar l-IMI u l-importanza tagħha għall-funzjonament tas-suq intern.

4.7.   Il-KESE jqis li fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fit-tħaddim tas-sistema IMI u l-iżvilupp tal-liġi Komunitarja, ser ikunu jistgħu jiġu ddefiniti l-prinċipji ġenerali sabiex fil-ġejjieni tkun tista’ titfassal regolazzjoni Komunitarja iktar kompluta u dettaljata dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-approvazzjoni ta’ regolament li jkopri l-iktar aspetti ġenerali.

4.8.   B’hekk l-IMI tirrappreżenta l-ewwel fażi ta’ dan il-proċess: taħt id-dispożizzjonijiet imħejjija, ser tissemplifika s-sistemi ta’ kooperazzjoni amminsitrattiva bejn l-Istati Membri individwali u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fis-setturi bbażati fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li huma essenzjali għall-funzjonament tas-suq intern. Fl-istess ħin, ser jinżamm qasam essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE, il-protezzjoni tad-data personali, permezz tal-qsim dettaljat tar-rwoli bejn il-partijiet involuti fil-ġestjoni tal-IMI stabbilit mill-Kummissjoni f’dan l-ambitu.

4.9.   Fl-aħħar, fir-rigward tar-rabta tal-IMI mal-iskema ta’ protezzjoni tad-data personali, ta’ min isemmi l-pubblikazzjoni reċenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali s-Sur Ruiz-Jarabo Colomer (9), li interpreta wħud mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni li fuqha hija bbażata s-sistema u li huma kompletament applikabbli f’dan il-kuntest. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mis-sentenza tal-QĠE tas-7 ta’ Mejju 2009 fir-rigward tal-obbligu li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ data personali kif ukoll dwar il-kontenut tad-data trażmessa mhux biss għall-preżent iżda wkoll għall-imgħoddi u t-twaqqif ta’ limitu ta’ żmien li fih tibqa’ tinħażen din l-informazzjoni billi jinżamm bilanċ ġust bejn l-interess tas-suġġett tad-data li jipproteġi l-privatezza tiegħu u l-piż li l-obbligu li jaħżen l-informazzjoni jirrappreżenta għal min jikkontrolla.

4.10.   L-interpretazzjoni tal-Avukat Ġenerali tiffoka fuq żewġ drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 95/46 u rregolati b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ wieħed minnhom (id-dritt għat-tħassir tad-data wara sena) donnha xxekkel l-applikazzjoni tat-tieni wieħed (id-dritt għall-aċċess tal-persuna interessata għall-ġestjoni tad-data): meta d-data tiġi kkanċellata b’konformità mad-Direttiva 95/46 jintemm id-dritt tal-aċċess għad-data, billi ma tistax tintalab informazzjoni dwar xi ħaġa li m’għadhiex teżisti. Għalhekk huwa rrakkomandat li titqies l-interpretazzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jinstab mezz biex iż-żewġ drittijiet rikonoxxuti mil-liġi Komunitarja jikkoeżistu: din l-interpretazzjoni timplika li l-persuna interessata trid tiġi infurmata bit-tħassir tad-data, inklużi l-identità tal-persuni kkonċernati u l-fatt li l-applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-data trid issir fi żmien sena, billi wara din l-iskadenza l-informazzjoni titħassar u b’hekk l-aċċess għaliha jkun impossibli.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Każ C-392/02, sentenza tal-15.11.2005, u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, is-Sur Geelhoed.

(2)  ĠU L 264, 15.10.2003.

(3)  ĠU C 325, 30.12.2006.

(4)  ĠU L 181, 18.5.2004.

(5)  ĠU L 13, 16.1.2008.

(6)  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

(7)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 1.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009.

(9)  Konklużjonijiet tat-22.12.2008, każ C-553/07.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/107


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola”

COM(2008) 862 finali

(2010/C 128/20)

Relatur: is-Sur CHIRIACO

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn strateġija koerenti għal Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola

COM(2008) 862 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’155 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tniedi proċess biex tiżviluppa aġenda futura għar-riċerka agrikola bil-għan li toħloq żona Ewropea ta’ riċerka agrikola. Ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dan is-settur għandhom jiżdiedu (1) sabiex jiġi żgurat li l-provvista tal-prodotti tal-biedja tista’ tlaħħaq mat-tendenzi internazzjonali fid-domanda.

1.2.   Il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq testijiet tal-kunċett ta’ programmar konġunt li, b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet u l-karatteristiċi tal-programmi nazzjonali differenti, l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi koordinazzjoni tal-inizjattivi u qsim effettiv u konkret tar-riżorsi fl-UE (2). B’mod iktar speċifiku l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni mhux biss fil-kuntest tal-ipprogrammar tar-riċerka nazzjonali agrikola iżda wkoll f’inizjattivi oħra tad-Direttorati Ġenerali differenti (eż. id-DĠ Ambjent, id-DĠ Agrikoltura, id-DĠ Intrapriżi). Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi iktar informazzjoni dwar l-istrumenti u l-arranġamenti operazzjonali inklużi r-riżorsi finanzjarji għall-inizjattivi proposti f’komunikazzjoni futura li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fi proċess ta’ konsultazzjoni u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tat-testijiet pilota tal-ipprogrammar konġunt.

1.3.   L-għan tal-ipprogrammar konġunt fil-qasam tar-riċerka agrikola huwa li jesplora l-potenzjal tas-soċjetà sabiex tiffaċċja l-isfidi involuti fl-iżvilupp ta’ prodotti ta’ bażi bijoloġika (biobased commodities) fil-livell tal-UE. Dawn l-isfidi huma relatati mat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Dawn il-kwistjonijiet, anke fid-dawl tar-riżultati tal-workshop dwar l-ipprogrammar konġunt fl-agrikoltura kienu l-elementi ċentrali tad-diskussjoni u l-analiżi ddettaljati tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola (SCAR) (3) li nġabru fil-qosor fid-dokument dwar il-programmar konġunt (Position paper on Joint Programming) li ġie ppubblikat f’Ġunju 2009. L-ipprogrammar konġunt jinvolvi element kbir ta’ parteċipazzjoni u sforzi intensivi tal-pajjiżi li qed jieħdu sehem, li jfisser valur miżjud u benefiċċji f’termini ta’ impatt għaċ-ċittadini u l-kompetittività Ewropea. Għalhekk anki f’dan l-istadju, il-KESE jipproponi l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi adegwati li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, inkluż tas-settur privat u b’mod partikolari tan-negozji, prinċipalment fl-identifikazzjoni tal-għanijiet tar-riċerka, l-istima tar-riżorsi meħtieġa u l-identifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għat-tħaddim tas-sistema sabiex b’hekk jiġi żgurat aċċess effettiv għall-finanzi. Il-KESE jirrakkomanda b’mod partikolari li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu passi sabiex ifasslu proposta għal regolament li jifforma l-bażi legali għall-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-iSCAR il-ġdid, b’konformità mal-proċess politiku li tnieda fl-2004 u li dan jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1728/74.

1.4.   Skont il-mudell tal-gvernanza ġdida li proponiet il-Kummissjoni, il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola ser jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-promozzjoni ta’ inizjattivi konġunti fil-livell tal-UE u fl-immappjar tal-kompetenzi tal-programmi ta’ riċerka li jiġu promossi. Il-KESE jemmen li l-iSCAR għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ flessibbiltà fundamentali sabiex jakkumpanja r-riformi li diġà ġew implimentati (4) jew li għandhom jiġu implimentati fil-qafas regolatorju li kontinwament jevolvi tal-Politika Agrikola Komuni.

1.5.   Fil-kuntest tal-ipprogrammar konġunt, il-proċess tat-tbassir u analiżi huwa marbut mill-qrib mal-proċess tal-immappjar li billi jipprovdi figuri u statistiki importanti dwar il-limiti, it-tendenzi u l-bżonnnijiet tal-organizzazzjoni tar-riċerka agrikola fil-livell nazzjonali, jikkontribwixxi f’ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi fir-riċerka agrikola fl-UE. S’issa din it-tip ta’ informazzjoni ġiet provduta mill-proġett EU-AGRI-MAPPING, inizjattiva tas-6 Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka. Il-KESE, b’kunsiderazzjoni tad-diffikultajiet li ġew iffaċċjati matul dan il-proġett, jemmen li l-immappjar m’għandux ikun ibbażat fuq inizjattivi ad hoc iżda fuq proċess kontinwu u aġġornat fuq bażi regolari.

2.   Sinteżi tal-komunikazzjoni

2.1.   Kuntest ġdid għar-riċerka agrikola fl-Ewropa

2.1.1.   L-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja sfidi ġodda bħal bidla fid-demografija u l-istruttura tal-biedja, l-impatt ta’ prattiki tal-biedja ġodda fuq l-impjieg, il-bidliet fil-Politika Agrikola Komui (PAK) u fatturi globali li jolqtu lis-settur.

2.1.2.   Sabiex niffaċċjaw dawn l-isfidi b’mod pożittiv, huwa magħruf b’mod wiesa’ li hemm bżonn ta’ żona b’saħħitha ta’ riċerka agrikola fl-Ewropa. Ir-riċerka agrikola għandha tipprovdi l-għarfien li hemm bżonn għal fehim sħiħ tal-iżvilupp rurali, il-muturi u l-impedimenti tas-sostenibbiltà u għandha tipprovdi t-teknoloġiji l-ġodda u l-innovazzjoni li hemm bżonn għall-iżvilupp tas-settur agrikolu. Hija għandha tiffaċilita l-akkwist tal-għarfien sabiex ittejjeb fost affarijiet oħra l-fehim tagħna tad-dinamika tas-suq. Madanakollu, l-isforzi fir-riċerka ħafna drabi jibqgħu frammentati u kkoordinati b’mod dgħajjef. Hemm nuqqas ta’ investiment u ta’ massa kritika. Fl-Ewropa, jeżistu bosta mekkaniżmi, b’mod partikolari fi ħdan il-Programm Qafas tal-UE, li jippromovu l-kollaborazzjoni pan-Ewropea bejn ir-riċerkaturi. B’rabta ma’ dan, l-iskema ERA-NET tipprovdi l-fondi għan-netwerking tal-programmi nazzjonali, il-ministeri jew l-agenziji tal-fondi fis-setturi xjentifiċi. Il-Kunsill tal-UE (f’Novembru 2004) qabel li l-kollaborazzjoni f’dan il-qasam tista’ tibbenefika minn approċċ iktar strutturat. L-ipprogrammar konġunt li tfassal reċentement imur lil hinn mill-iskema ERA-NET u jirrikjedi l-kooperazzjoni diretta tal-programmi pubbliċi tal-Istati Membri sabiex jitfasslu viżjonijiet komuni, aġendi strateġiċi ta’ riċerka u l-qsim tar-riżorsi biex b’hekk jiġu indirizzati żoni speċifiċi flimkien. L-iSCAR issemma’ bħala eżempju tajjeb ta’ struttura possibbli ta’ netwerk fi kwalunkwe proċess ġdid ta’ programmar konġunt.

2.2.   Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Kumitat SCAR

2.2.1.   Wara diversi snin li fihom ma kienx attiv, fl-2005 l-iSCAR ingħata mandat imġedded mill-Kunsill tal-UE biex ikollu rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tal-isforzi tar-riċerka agrikola fl-Ewropa. L-iSCAR il-ġdid huwa magħmul mis-27 Stat Membru tal-UE, b’rappreżentanti mill-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi assoċjati bħala osservaturi. L-inizjattivi li jippromovi l-iSCAR għal żona Ewropea ta’ riċerka agrikola jinkludu, flimkien mal-ipprogrammar konġunt, proċess ta’ tbassir sabiex jiġu identifikati x-xenarji potenzjali fuq perijodu fit-tul għall-agrikoltura Ewropea u proċess ta’ immappjar li jidentifika l-bżonnijiet u t-tendenzi għar-riċerka agrikola fl-UE.

2.2.2.   L-iSCAR adotta approċċ strutturat fil-konfront tal-prijoritizzazzjoni tas-suġġetti ta’ riċerka bil-għan li fil-futur ikun hemm iktar kollaborazzjoni, billi stabbilixxa għadd ta’ Gruppi Kollaborattivi ta’ Ħidma tal-Istati Kandidati/Assoċjati (CWGs). Is-CWGs jaħdmu b’mod simili ħafna għall-ERA-NETs, billi jsegwu l-istess approċċ pass pass, jiġifieri waqt l-istadji bikrija jiffukaw fuq l-iskambju tal-informazzjoni, jidentifikaw in-nuqqasijiet fir-riċerka u ż-żoni ta’ prijorità għall-kollaborazzjoni u, fejn hemm bżonn, iniedu attivitajiet konġunti u/jew sejħiet komuni ta’riċerka.

2.3.   Azzjonijiet ewlenin lejn Aġenda Ewropea dwar ir-Riċerka Agrikola koerenti

2.3.1.   Hemm bżonn urġenti li niksbu għarfien ħafna aħjar tal-forzi li fuqhom huma msejsa l-proċessi tat-tibdil fil-klima sabiex innaqqsu l-impatt ħażin u sabiex nipproteġu l-bażi tar-riżorsi tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità bil-għan li nappoġġjaw u nippromovu agrikoltura iktar sostenibbli fl-Ewropa u fil-kuntest globali. L-oqsma prijoritarji ta’ riċerka f’dan il-kuntest huma t-tibdil fil-klima u r-riżorsi tal-enerġija.

2.3.2.   Ir-riċerka tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu jekk l-atturi differenti jkunu integrati aħjar fit-tfassil tal-aġenda u jsiru parti mill-proċess ta’ riċerka permezz ta’ azzjonijiet bħan-netwerks ta’ innovazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk beħsiebha ssaħħaħ il-produzzjoni u l-qsim tal-għarfien agrikolu permezz tal-iSCAR u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (5). Sabiex jissaħħaħ l-ipprogrammar konġunt tar-riċerka għal gvernanza mtejba tas-sistema agroalimentari Ewropea, ir-rwol strateġiku tal-iSCAR jista’ jkompli jissaħħaħ sabiex dan isir korp strateġiku ta’ sorveljanza li jsegwi d-diversi sforzi li għandhom x’jaqsmu mal-agrikoltura li jsiru mill-entitajiet Ewropej kollha ta’ riċerka pubblika.

2.3.3.   Sabiex jiġu implimentati aġendi fuq perijodi fit-tul li huma bbażati fuq viżjonijiet u għanijiet komuni hemm bżonn niżviluppaw mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jinkludi bosta strumenti ta’ analiżi tat-tbassir u l-immappjar tal-kapaċitajiet fil-qasam tar-riċerka.

2.3.4.   Ir-responsabbiltajiet tal-Ewropa f’dinja globalizzata ma jistgħux jiġu injorati: is-sostenibbiltà agrikola qed issir kwistjoni li se jkollha kemm effett dirett (eż. permezz tal-prezzijiet tal-ikel) kif ukoll effett indirett (eż. permezz tal-migrazzjoni) fl-UE, kif ukoll fuq ir-reġjuni kollha tad-dinja. Għalhekk hemm bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki fil-qasam tar-riċerka agrikola fl-Ewropa u lil hinn minnha u b’mod partikolari li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ riċerka tal-UE u l-Istati Membri minn naħa u tal-politiki esterni bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-politika tal-viċinat min-naħa l-oħra.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Kuntest ġdid għar-riċerka agrikola fl-Ewropa

3.1.1.   Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-agrikoltura fl-Ewropa inbidlu matul dawn l-aħħar ħamsin sena, u jirriflettu l-bidliet li ħallew marka fuq is-soċjetà u l-ekonomija Ewropea u li laqtu liċ-ċittadini u l-konsumaturi tant li l-agrikoltura minn rurali saret post-industrijali. Konsegwentement issa saret opinjoni stabbilita li s-settur tal-biedja, b’konformità mal-Mudell Agrikolu Ewropew, għandu jitqies f’termini multifunzjonali u agroterritorjali, jiġifieri mhux f’termini ta’ produzzjoni biss. Dan il-kriterju għandu japplika wkoll għad-definizzjoni tar-riċerka agrikola. Fi kwalunkwe każ dan jikkonferma r-rwol primarju tal-produzzjoni agrikola li kompla jiġi enfasizzat minħabba l-kriżi internazzjonali fl-ikel. Il-kompetittività tal-ikel u s-sigurtà tal-provvista mistennija jsiru sfidi fil-futur qarib.

3.1.2.   F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-approċċ li ttieħed sabiex tiġi stabbilita definizzjoni usa’ tar-riċerka agrikola li tirrifletti l-isfidi li qed tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea inkluż b’mod partikolari l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli minn sorsi agrikoli, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, il-promozzjoni tal-ICT u l-kwalità tal-produzzjoni.

3.2.   Lejn aġendi komuni ta’ riċerka

3.2.1.   Il-komunikazzjoni tuża l-kunċett reċenti ta’ programmar konġunt (2) bħala approċċ ġdid lejn ir-riċerka agrikola bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi finanzjarji limitati permezz ta’ kollaborazzjoni mtejba. L-ipprogrammar konġunt bħalissa qiegħed jiġi eżaminat permezz ta’ proġett pilota dwar il-marda tal-Alzheimer. Il-Kunsill ukoll mistenni li jadotta inizjattivi oħra f’setturi prinċipali tar-riċerka sal-2010 u fejn ikun hemm riżultati pożittivi, l-ipprogrammar konġunt jista’ jkollu impatt deċisiv fuq il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għar-riċerka futura fil-livell Ewropew.

3.2.2.   L-ipprogrammar konġunt jinvolvi lill-Istati Membri b’mod volontarju u fuq bażi ta’ ġeometrija varjabbli fid-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ aġendi tar-riċerka strateġiċi u bbażati fuq viżjoni komuni dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin. Il-kunċett jista’ jinkludi kooperazzjoni strateġika bejn il-programmi nazzjonali li jeżistu jew l-ippjanar u l-implimentazzjoni konġunti ta’ programmi kompletament ġodda. Fiż-żewġ każijiet l-għan ikun il-qsim tar-riżorsi, l-għażla u l-iżvilupp tal-iktar strumenti adegwati, l-implimentazzjoni tagħhom, il-monitoraġġ kollettiv u r-reviżjoni tal-progress.

3.2.3.   Fid-dawl tal-fatt li ħafna drabi l-isforzi fir-riċerka agrikola jsiru b’mod frammentat u koordinat ħażin, u li hemm nuqqas ta’ investiment, ta’ disseminazzjoni, ta’ komunikazzjoni mmirata tar-riżultati u ta’ massa kritika, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-ipprogrammar konġunt u jqisu għan ambizzjuż li flimkien ma’ approċċ pragmatiku u flessibbli jista’ jniedi proċess strateġiku u strutturat tar-riċerka agrikola.

3.3.   Ir-rwol ta’ tmexxija tal-Kumitat SCAR

3.3.1.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż magħha jipprovdu deskrizzjoni dettaljata tal-analiżi, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-funzjonijiet ta’ konsultazzjoni kif ukoll il-metodi ta’ ħidma organizzattivi u operazzjonali tal-iSCAR, b’konformità mal-linji gwida tal-Kunsill tal-Agrikoltura tad-19 ta’ Lulju 2004. B’mod iktar speċifiku, l-iSCAR ser ikun responsabbli mill-monitoraġġ tal-inizjattivi nazzjonali ta’ riċerka fis-settur agroalimentari, mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet fil-livell Komunitarju u mit-twaqqif ta’ tbassir raġonevoli għall-iżvilupp fuq perijodu fit-tul tal-prijoritajiet ta’ riċerka f’dan is-settur.

3.3.2.   Il-KESE jikkunsidra li l-koordinazzjoni fil-livell Komunitarju hija kruċjali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni, tiġi kkomunikata vuċi waħda fil-fora internazzjonali, jiġi evitat xogħol doppju, ikomplu jiġu żviluppati l-programmi u tiżdied il-kompetizzjoni sabiex jinkisbu l-fondi u b’hekk titjieb il-kwalità tal-proposti ta’ riċerka. Jeħtieġ li nżommu f’moħħna madanakollu li s-sitwazzjoni tar-riċerka hija differenti ħafna f’kull Stat Membru u li l-ipprogrammar nazzjonali għandu jqis il-prijoritajiet u l-bżonnijiet speċifiċi fejn il-kooperazzjoni fuq livell Ewropew mhux dejjem ser tiggarantixxi benefiċċji ta’ skala jew ambitu sinifikanti. Għalhekk l-iSCAR għandu jiġi pprovdut bl-istrumenti li permezz tagħhom ikun jista’ jiżura l-ġestjoni ta’ proċess ta’ monitoraġġ kontinwu u aġġornat.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Fost l-azzjonijiet prinċipali sabiex tinħoloq Żona Ewropea ta’ Riċerka Agrikola, il-komunikazzjoni tinkludi t-tnaqqis tal-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima, is-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma u l-ħamrija u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Il-KESE jemmen li l-impatt soċjali għandu jitqies ukoll hekk kif ġie enfasizzat fl-2008, f’rapport tal-FAO intitolat “Gender and Equity Issues in Liquid Biofuels Production” (mhux disponibbli bil-Malti), li jkopri r-rabtiet ġenerali bejn in-negozji, l-impjieg u r-reġjuni.

4.2.   Il-prijoritajiet il-ġodda tal-Aġenda dwar ir-Riċerka Agrikola futura għandhom jirriflettu, flimkien mal-bidla fil-klima u l-kwistjonijiet tal-enerġija relatati mal-agrikoltura, l-isforzi favur il-preservazzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, l-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-kultivazzjoni u l-marketing tal-prodotti tal-GMO fuq l-ambjent u saħħet il-bniedem, kwistjonijiet relatati mas-settur agroalimentari, b’referenza speċjali għall-istadju tal-ipproċessar u l-bijoteknoloġiji u l-innovazzjonijiet kollha li jistgħu jintużaw sabiex nittrattaw il-kwistjonijiet li ser iġibu magħhom sfidi ġodda hekk kif ġibdet l-attenzjoni l-evalwazzjoni tal-istat tal-PAK (Novembru 2008).

4.3.   Ir-riċerka tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu jekk l-atturi differenti jkunu integrati aħjar fit-tfassil tal-aġenda u jsiru parti mill-proċess ta’ riċerka. Huwa importanti b’mod partikolari li jiġu involuti n-negozji, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-għanijiet ta’ riċerka bbażati fuq il-bżonnijiet tal-intrapriżi stess u li nippromovu r-riċerka applikata u t-trasferiment teknoloġiku billi niżguraw aċċess effettiv għall-fondi. Konsegwentement il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jissaħħu r-rabtiet bejn l-għarfien u l-innovazzjoni sabiex jinstab bilanċ bejn l-interessi tal-intrapriżi u tal-individwi u jappella lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-programmi ta’ taħriġ adegwat għal dan il-għan.

4.4.   Fir-rigward tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (5), iktar milli nintroduċu miżuri speċifiċi, li jistgħu jqajmu problemi ta’ koordinazzjoni mal-funzjoniijiet regolatorji tan-netwerk, għandhom jiġu pprovduti inċentivi għall-iskambju tal-aqwa prattika. In-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej u strumenti oħra ta’ skambju tal-għarfien huma soluzzjoni strateġika għall-iskambju u l-iżvilupp ta’ ideat vijabbli, informazzjoni affidabbli u esperjenza prattika fl-Ewropa kollha biex b’hekk il-produzzjoni u l-iskambju tal-għarfien jiġu strutturati u msaħħa.

4.5.   Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun tista’ tidħol f’netwerk ta’ riċerka internazzjonali, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jeħtieġ li jiġu stabbilti mekkaniżmi adegwati li jistgħu jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-inizjattivi li qed jiġu promossi b’mod partikolari billi tingħata spinta l-kapaċità tal-gvernanza lokali u tittejjeb il-kwalità tar-riżorsi umani rilevanti.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  NAT/437– CESE 1704/2009, 4.11.2009.

(2)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 56.

(3)  Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1728/74.

(4)  Regolament (KE) Nru 72/2009, Regolament (KE) Nru 73/2009, Regolament (KE) Nru 74/2009 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/61/KE tad-19.1.2009.

(5)  Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/111


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa”

COM(2008) 821 finali

(2010/C 128/21)

Relatur: is-Sur KAPUVÁRI

Nhar id-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa

COM(2008) 821 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’75 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-ħidma sabiex titjieb il-katina tal-provvista tal-ikel u biex din issir aktar effiċjenti u kompetittiva m’għandhiex timmira li jinkisbu prezzijiet baxxi tal-ikel. Jekk isir dan, il-katina tal-ikel ser tibqa’ sejra fid-direzzjoni l-ħażina, kif qed jiġri fil-preżent. Għandna niżguraw li l-proporzjon tal-prezz skont il-valur jibqa’ f'livell realistiku. L-antiċipazzjoni tal-prezzijiet baxxi fil-katina tal-produzzjoni fl-aħħar mill-aħħar tillimita l-kapaċità għall-investiment u l-innovazzjoni tal-fornituri tal-ikel agroalimentari kif ukoll tal-għażla tal-konsumaturi, u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-fatturi u l-effetti sekondarji tagħhom fuq medda twila u medja ta’ żmien u tieqaf milli tiffoka biss fuq il-benefiċċji immedjati ta’ prezzijiet baxxi. Ma jkunx ġust li niddikjaraw li prezzijiet baxxi tal-ikel huma fl-interess tal-konsumaturi; anzi, il-konsumaturi jibbenefikaw minn prezzijiet realistiċi li jiżguraw il-kwalità, il-kwantità u s-servizz mistenni minnhom. Madankollu, ikun adegwat approċċ li għandu l-għan li jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet, li jippermetti aktar kredibbiltà u tbassir fil-katina tal-provvista tal-ikel.

1.2.   L-Unjoni Ewropea għandha l-interess li tiżgura li, fuq medda twila ta’ żmien, il-konsumaturi jgawdu mill-benefiċċji ta’ prodotti siguri tal-ikel. Sabiex dan iseħħ huwa meħtieġ livell għoli ta’ awtosuffiċjenza. Fl-istess ħin, l-agrikoltura sostenibbli tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ riċerka u żvilupp, innovazzjoni, u żvilupp teknoloġiku, u biex iseħħ dan, ir-riżorsi tal-PAK huma essenzjali. Madankollu, l-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jiġi organizzat b’tali mod li jħeġġeġ l-adattament għall-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jkun obbligatorju li tiġi pprovduta informazzjoni u jkun hemm kooperazzjoni, u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp rurali għandhom jiġu meqjusa fid-dettall.

1.3.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tista’ titwessa’ biss jekk issir konsultazzjoni soċjali fuq l-aktar bażi wiesgħa possibbli. Għandhom isiru eżaminazzjonijiet dwar l-isfond, jitfassal pjan ta’ azzjoni preċiż, u jiġu definiti b’mod ċar il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet għal kull wieħed mill-oqsma li għandha tittieħed azzjoni fihom. Dan huwa kollu essenzjali, peress li kwalunkwe miżura relatata mal-prezzijiet tal-ikel taffettwa azzjoni reċiproka kumplessa ta’ fatturi. L-ikel huwa l-forza prinċipali li żżomm is-soċjetà magħquda; l-ikel huwa ta’ importanza strateġika, u ta’ fiduċja konsiderevoli għall-konsumatur. Minħabba dan, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni għandhom jiġu organizzati b’tali mod li ma jheddux is-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien.

1.4.   Mhuwiex possibbli li jiġu limitati l-investimenti f’komoditajiet bażiċi, li s-soltu jseħħu permezz tal-Boroż. Madankollu, għandu jinstab mod kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti ta' fatturi li ma jirriflettux id-domanda vera, peress li dawn iħarbtu l-katina tal-provvista tal-prodotti agrikoli. Għalkemm l-UE hija konxja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-provvisti tal-ikel lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, m’għandhiex tinsa li l-kompitu ewlieni tagħha huwa li tiżgura l-provvisti għaċ-ċittadini tagħha ta’ firxa sħiħa ta’ prodotti siguri tal-ikel, billi tnaqqas id-dipendenza fuq is-swieq dinjija, u billi tippreserva l-awtonomija.

1.5.   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari li twaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2008 (2008/359/EC). Il-KESE ħerqan biex jara r-riżultati tal-ħidma ta’ dan il-Grupp ta’ Livell Għoli. Wieħed mill-iktar għanijiet importanti tal-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli għandu jkun li tinkiseb kemm jista’ jkun stabbilità tas-swieq tal-ikel agroalimentari.

2.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1.   Minħabba ż-żidiet mgħaġġla fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli fit-tieni nofs tal-2007, il-prezzijiet tal-ikel bl-imnut ukoll żdiedu b’mod sinifikanti. Il-Kummissjoni wieġbet għal dan bil-Komunikazzjoni tagħha “Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel – Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE” (COM(2008) 321 final).

2.2.   Il-Kummissjoni temmen li dan l-objettiv jista’ jinkiseb billi jiġu identifikati u solvuti l-problemi regolatorji u dawk relatati mal-kompetizzjoni fil-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-Komunikazzjoni, magħmula minn ħames kapitoli, tanalizza s-sitwazzjoni u tirrakkomanda miżuri biex jiġu solvuti l-problemi.

2.3.   Skont il-Komunikazzjoni, prezzijiet ogħla tal-komoditajiet agrikoli rriżultaw minn taħlita ta’ fatturi strutturali u temporanji. Il-fatturi strutturali, bħalma huma ż-żieda fil-popolazzjoni globali, iż-żieda fil-pagi fl-ekonomiji emerġenti u l-iżvilupp ta’ swieq ġodda, saħħew id-domanda dinjija.

2.4.   “Minn Awwissu 2007 sa Lulju 2008 l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel (minbarra l-alkoħol u t-tabakk) kienet tirrappreżenta madwar 1,0 punt perċentwali (pp.) tal-inflazzjoni totali.” It-tendenzi tal-prezzijiet kienu kkaratterizzati, fost oħrajn, minn differenzi bejn iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ ikel ipproċessat u ikel mhux ipproċessat, minħabba l-effett ta’ “kompożizzjoni”.

2.5.   Il-Kummissjoni qed tbassar li l-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel u l-kontribuzzjoni tal-prezzijiet tal-ikel għall-inflazzjoni ewlenija se tonqos matul is-sentejn li ġejjin.

2.6.   Il-Kummissjoni temmen li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet agrikoli imposti minn ċerti pajjiżi s-sena l-oħra għamlu aktar ħsara milli ġid minħabba li eliminaw is-sinjali tas-suq.

2.7.   Mill-bidu tal-2006 kien hemm żieda fil-flussi tal-investiment f’dawn is-swieq, kif jidher fit-total tal-kuntratti futuri pendenti miżmuma mill-parteċipanti tas-suq.

2.8.   Il-Komunikazzjoni tinkludi tabella li telenka l-prattiki li qed joħolqu tħassib mil-lat ta’ kompetizzjoni, kif ġej:

kartelli

ftehimiet ta’ xiri

żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid

immarkar uniku

prodotti b’tikketta tad-distributuri

xiri abbinat

ftehimiet esklużivi ta’ provvista

skemi ta’ ċertifikazzjoni

2.9.   Fuq il-bażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ direzzjoni sabiex jitjieb il-funzjonament tal-katina ta’ provvista tal-ikel, li jikkonsisti f’erba’ komponenti ewlenin.

2.10.   Il-Kummissjoni qed tispera li r-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari, imwaqqaf fir-rebbiegħa tal-2008, jgħinu sabiex il-katina tal-provvista tal-ikel ittejjeb il-kompetittività tagħha.

2.11.   Sabiex tindirizza l-prattiki potenzjali ta’ antikompetittività li ġew identifikati bħala tħassib fil-Kapitolu 4, il-Kummissjoni, fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, se tissokta djalogu sostnut mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, biex tiżgura l-infurzar koerenti u kkoordinat sewwa tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE kollha, għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropew.

2.12.   B’konnessjoni mar-reviżjoni f’livell nazzjonali u/jew f’dak tal-UE ta’ regolamenti li ġew identifikati bħala potenzjalment problematiċi għall-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel, il-Komunikazzjoni ssemmi r-regoli u l-prattiki li ġejjin:

ir-regolamenti li jillimitaw id-dħul ta’ kumpaniji ġodda fis-suq.

ir-regolamenti li jillimitaw il-kapaċità tan-negozji li jikkompetu fuq il-prezzijiet. dawn għandhom jiġu eżaminati.

il-prattiki li jxekklu r-relazzjoni bejn il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut; dawn għandhom jiġu skoraġġuti.

2.13.   Il-Kummissjoni se teżamina flimkien mar-regolaturi tas-swieq tal-komoditajiet u f’kuntatt mill-qrib ma’ awtoritajiet regolatorji oħra li mhumiex tal-UE (b’mod partikolari l-Istati Uniti fejn iseħħu l-aktar skambji importanti), liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq tal-komoditajiet agrikoli.

2.14.   Fuq il-bażi ta’ dan il-programm ta’ ħidma u tal-miżuri relatati, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tittieħed azzjoni ulterjuri u tipproponi li l-Kunsill Ewropew jeżamina mill-ġdid din il-kwistjoni f’Diċembru 2009.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-fatturi strutturali li kkawżaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli ser jibqgħu preżenti tul it-terminu medju; madankollu, il-bidliet matul dawn l-aħħar sentejn juri li s-suq għall-prodotti agrikoli se jkollu jirrikonċilja mal-prezzijiet li dejjem qed isiru aktar volatili. Il-kriżi ekonomika attwali sempliċiment għamlet ftit ħsara lit-tkabbir fid-domanda fis-swieq globali, u bħala riżultat ta’ dan fi kwalunkwe ħin nistgħu nerġgħu naraw ripetizzjoni tal-proċessi li bdew f’nofs l-2007, u s-swieq agrikoli qed isiru dejjem anqas prevedibbli. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li jsir aġġustament għad-domanda kkawżata mill-manipulazzjoni spekulattiva tal-prezzijiet – li ma tirriflettix id-domanda reali – peress li dan jirrikjedi livell ta’ flessibbiltà inkompatibbli mal-karatteristiċi u l-potenzjal tal-produzzjoni agrikola.

3.2.   L-Unjoni Ewropea hija konxja li l-bidliet fil-prezzijiet agrikoli jaffettwaw mhux biss is-settur agrikolu kollu, iżda wkoll – permezz tal-prezzijiet tal-ikel – lill-konsumaturi kollha. Bidliet kbar u f’daqqa jfissru li għandna bżonn neżaminaw mill-ġdid il-pożizzjoni tas-settur agrikolu tal-UE. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari huwa forum xieraq biex isir dan. F’dan il-kuntest għandna niċċaraw: (1) il-futur agrikolu tal-UE; (2) il-pożizzjoni futura tal-agrikoltura fil-politiki tal-UE; għandna nikkunsidraw ukoll (3) kif għandna nittrattaw il-konsegwenzi tal-ftuħ tas-swieq; u (4) kif għandna nikkoreġu l-iżbilanċi fir-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel.

3.3.   Għalkemm għadu ma sar l-ebda progress biex tiġi żviluppata l-ispeċjalizzazzjoni territorjali fi ħdan l-UE minn mindu ġiet imnedija l-PAK, hemm sinjali ċari ta’ dan il-fenomenu fis-swieq internazzjonali. Minħabba l-ftuħ gradwali tas-swieq tal-UE għall-prodotti minn pajjiżi terzi, il-produtturi agrikoli tal-UE qed jiġu sfurzati jikkompetu fuq bażi inugwali. Bħala riżultat ta’ dan, il-produtturi Ewropej sejrin lura fis-swieq. Fit-terminu medju, dan l-iżvilupp jista’ jhedded serjament l-ekonomija rurali fl-Ewropa. Minħabba dan l-UE tista’ biss tfittex li tikseb politika kummerċjali miftuħa jekk jibqa’ jkun hemm forom varji ta’ appoġġ finanzjarju għall-produtturi agrikoli u jekk dawn jibqgħu jipprovdu inċentivi biżżejjed biex jinżammu l-livell tal-produzzjoni.

4.   Kummenti Speċifiċi

4.1.   L-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel u tal-komoditajiet agrikoli

4.1.1.   Fil-perijodu ta’ wara l-kriżi, iż-żieda fid-domanda għall-prodotti agrikoli probabbilment se terġa’ taqbeż iż-żieda fil-provvista. Bħala riżultat ta’ dan, dawn il-prodotti x’aktarx se jerġgħu jiġu meqjusa bħala attraenti għall-kapital ta’ riskju. Dan jista’ jwassal għal bidliet simili għal dawk li ġew esperjenzati matul dawn l-aħħar sentejn, jekk varjazzjonijiet fil-prezzijiet agrikoli jiġġeneraw profitti ogħla minn dawk offruti minn kostruzzjonijiet finanzjarji oħra tas-suq. Minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ wara l-kriżi, il-possibbiltajiet li jiġri dan huma inqas minn dawk tal-2007. Madankollu, fit-terminu medja għandna bżonn nippreparaw għal volatilità kontinwa tal-prezzijiet.

4.1.2.   Kif enfasizza l-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 (2008/2175(INI)), sehem iċken tal-prezzijiet tal-ikel bl-imnut imur għall-produtturi agrikoli u proċessuri tal-ikel. Minħabba dan, huwa ċar li l-bidliet fil-prezzijiet fil-bidu tal-katina tal-provvista se jkollhom biss impatt limitat u tard fuq il-prezzijiet bl-imnut.

Iż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut tal-ikel taffettwa b’mod partikulari lil dawk li jonfqu parti kbira mid-dħul tagħhom f’ikel. Dan il-fenomenu huwa korrelatat mill-viċin mal-livell tal-iżvilupp ekonomiku f’pajjiż partikulari, hu din hija r-raġuni għalfejn il-prezzjijiet tal-ikel li qed jiżdiedu għandhom l-akbar impatt fuq l-inflazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE. F’dawn il-pajjiżi li għandhom dħul baxx, l-ikel jista’ jkun sa bejn 40-50 % min-nefqa totali tal-familja.

4.1.3.   Fil-ftit snin li ġejjin, il-prezzijiet tal-ikel x’aktarx ser jibqgħu ’il fuq mill-medja tal-perijodu 2002-2006, iżda ’l isfel mil-livelli tal-aħħar tal-2007. Fl-istess ħin, il-prezzijiet ser jibqgħu estremament volatili. Waħda mill-bidliet mhux mixtieqa li rriżultat minn dawn l-aħħar sentejn hija li l-prezzijiet saru aktar sensittivi għall-informazzjoni tas-suq. Minħabba li x’aktarx ser naraw żieda fl-informazzjoni kemm dwar il-fatturi min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda, se jkompli jkun hemm ċaqliq fil-prezzijiet. Ix-xandir għandu rwol importanti hawnhekk ukoll, peress li xandir effettiv jagħti lis-swieq informazzjoni immedjata dwar dak kollu li qed jiġri fid-dinja.

4.1.4.   Il-produtturi agrikoli tal-UE għandhom ikunu ppreparati sabiex jissodisfaw domanda, li qed tikber b’mod kostanti, għall-ikel. Għandhom jittejbu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-produzzjoni agrikola tal-UE. Madankollu, il-PAK għandha responsabbiltà sinifikanti sabiex tiżgura li l-ftuħ gradwali tas-swieq tal-UE ma jipperikolax il-kompetittività tas-setturi agroalimentari Ewropej. L-UE teħtieġ strateġija fit-tul għall-agrikultura li tiddefinixxi sa fejn il-Komunità għandha timmira għall-awtosuffiċenza fil-provvisti ta’ varji prodotti. Madankollu, irridu naċċettaw li fit-terminu medju l-UE ser teħtieġ li timporta bosta prodotti.

4.2.   Ir-rwol ta’ spekulazzjoni fil-prezzijiet tal-komoditajiet tal-ikel

4.2.1.   L-ammont ta’ kapital minn bosta fondi ta’ pensjoni, fondi ta’ investiment u fondi sovrani fis-swieq finanzjarji internazzjonali qed jikber b’mod kostanti permezz ta’ tpartit, banek u konglomerati multinazzjonali. Minħabba d-daqs tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom influwenza konsiderevoli fuq is-swieq fejn joperaw. Peress li ma rnexxilhomx jiksbu profitti sodisfaċenti minn investimenti konvenzjonali, dawn daru għas-swieq tal-komoditajiet.

4.2.2.   Minħabba n-natura spekulattiva tal-investimenti ta’ riskju għoli, dawn għandhom impatt fuq il-prezzijiet fuq medda qasira ta’ żmien sena iżda mhux fuq medda twila ta’ żmien. L-agrikoltura teħtieġ tikkunsidra dan l-iżvilupp kif ukoll l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji b’mod ġenerali. Il-prodotti fis-swieq finanzjarji li jirriżultaw f’bidliet sinifikanti fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u li ma jirriflettux il-flussi veri tal-prodott għandhom influwenza sfavorevoli fuq il-movimenti tal-prezz fis-swieq fiżiċi.

4.3.   Il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel

4.3.1.   Kif turi wkoll il-Kummissjoni fid-Dokument ta’ Ħidma tagħha dwar dan is-suġġett (SEC(2008) 2972), hemm korrelazzjoni mill-viċin bejn l-avvenimenti fis-swieq agrikoli tul dawn l-aħħar sentejn u t-tfixkil għall-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel. Id-distribuzzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli tul il-katina tal-provvista jirriflettu mill-viċin il-kapaċità ta’ kull ħolqa fil-katina biex tiddefendi l-interessi proprji.

4.3.2.   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li beħsiebhom jevalwaw l-effett ta’ antikompetittività tal-proċess ta’ konsolidazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel jafu jsibu ruħhom f’pożizzjoni diffiċli mhux ħażin. Huwa importanti li jiġu indirizzati l-prattiki antikompetittivi u l-problemi relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni li jinqalgħu f’każi partikolari bejn il-fornituri tal-ikel agroalimentari u l-fażijiet ta’ skambju kummerċjali tal-katina tal-produzzjoni, kif sostniet il-Kummissjoni, sabiex il-kundizzjonijiet jiġu verament adattati għas-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq. Kif saħqet il-Kummissjoni, jeħtieġ jiġi żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu implimentati b’mod koerenti u koordinat madwar l-UE kollha. Il-katina tal-provvista tal-ikel hija fframmentata biżżejjex biex tiżgura li t-transazzjonijiet individwali ma jidhrux li għandhom impatt antikompetittiv mill-perspettiva tas-suq uniku. Il-prattiki diskussi fid-dokument juru li għal pajjiż u prodott partikulari, livell speċifiku ta’ konċentrazzjoni jista’ jkollu effett serju ta’ antikompetittività. L-emerġenza ta’ kapaċitajiet ta’ pproċessar li, jekk hemm ekonomiji ta’ skala, jistgħu jiksbu pożizzjoni dominanti f’suq ta’ prodott partikulari, jistgħu jnaqqsu l-għażla tal-konsumatur u jimbuttaw l-intrapriżi żgħar u medji ’l barra mis-suq. Dan qed jiġri minn meta prodotti b’tikketta tad-distributuri bdew jeżerċitaw influwenza sinifikanti. Fl-istess ħin, id-dominanza attwali tal-kompetittività tal-prezzijiet fil-politiki kummerċjali tal-kumpaniji tista’ tirriżulta fi prodotti ta’ valur nutrittiv aktar baxx. Għalkemm il-livell tas-sikurezza tal-ikel qed jogħla, is-sostituzzjoni tal-ingredjenti naturali minn dawk artifiċjali ta’ valur nutrittiv aktar baxx ifisser li l-prodotti tal-ikel iktar mhux qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konsumaturi għal nutrizzjoni ta’ kwalità għolja.

4.3.3.   Nissuġġerixxu li jiżdiedu l-metodi ta’ rimbors użati minn bejjiegħa kbar bl-imnut mal-lista tal-prattiki antikompetittivi mniżżla fit-Tabella 1. Dawn il-metodi jippermettu li jiġu sseparati, minn naħa, il-prezzijiet tal-fornituri u l-ispejjeż reali, u min-naħa l-oħra l-prezzijiet imħallsa mill-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi. Bħala riżultat ta’ dan, il-prezzijiet ta’ referenza jiġu stabbiliti f’livelli wisq baxxi biex ikunu realistiċi, ħafna iktar baxxi minn dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ effiċjenza miżjuda. Prattiki antikompetitttivi bħalma huma l-kartelli u l-ftehimiet esklużivi ta’ provvista huma ovvjament inaċċettabli, bħalma huwa l-użu ta’ pożizzjoni dominanti sabiex jiġu imposti kundizzjonijiet unilaterali fuq il-fornituri. Fl-istess ħin, din it-teknika ta’ marġni ta’ profitt doppju – il-bejjiegħa bl-imnut igawdu minn marġni konsiderevoli ta’ profitt mhux biss minn fuq ix-xerrejja iżda anki minn fuq il-fornituri, minħabba r-rimborsi – jaħbi l-marġni tal-profitt kummerċjali, u jgħin biex jgħawweġ id-distribuzzjoni tad-dħul mill-katina tal-provvista tal-ikel. Din hija prattika antikompetittiva peress li tirrikjedi li l-fornituri jadattaw għal prezz li għandu ftit li xejn relazzjoni mal-ispejjeż tal-produzzjoni.

4.3.4.   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mat-tħassib li semmiet il-Kummissjoni dwar ċerti prattiki antikompetittivi li jistgħu jalteraw il-funzjonament tal-katina tal-ikel. F’dan il-kuntest jidher biċ-ċar li l-iżbilanċ tal-poter bejn il-produtturi, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut jeħtieġ li jingħata aktar attenzjoni. Il-konċentrazzjoni tal-poter minn isfel għal fuq tqiegħed lill-bejjiegħa bl-imnut f’pożizzjoni dominanti fir-rigward tal-produtturi u l-proċessuri, li tippermetti prattiki abbużivi mhux mixtieqa. Minħabba dan, l-approċċ tagħna għal benessri tal-konsumatur m’għandux jiffoka biss fuq il-kisba ta’ prezzijiet iktar baxxi fi żmien qasir, iżda fuq medda twila ta’ żmien ukoll, filwaqt li jiġu kkunsidrati kemm l-effetti diretti kif ukoll dawk indiretti, sabiex jiġu evitati diffikultajiet finanzjarji għall-fornituri, nuqqas ta’ innovazzjoni, għażla mnaqqsa, kif ukoll – fuq medda twila ta’ żmien – prezzijiet ogħla.

5.   Pjan ta’ direzzjoni biex jitjieb il-funzjonament tal-katina ta’ provvista

Li tkun żgurata distribuzzjoni tajba tal-qligħ f’kull stadju tal-katina tal-ikel huwa kompitu kumpless ħafna, u ħafna mill-aspetti ta’ dan jirrikjedu interferenza estensiva fil-proċessi tas-suq. Madankollu, dawn il-miżuri huma indispensabbli sabiex jippermettu li l-prodotti tal-ikel Ewropej itejbu l-kompetittività tagħhom fuq bażi reali.

5.1.1.   Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tqiegħed it-trasparenza fis-suq. Dejjem se jkun utli li jkun hemm fehim aħjar ta’ kif jaħdem is-suq u tar-rwol li għandhom l-elementi differenti tal-katina. Huwa importanti ħafna li ssir analiżi ddettaljata ta’ din il-katina sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa fejn ikun meħtieġ jekk ikun hemm nuqqasijiet jew tfixkil fil-katina. Għalhekk il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proċedura ta’ azzjoni proposta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha u ser jikkoopera bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tagħha.

Madankollu, il-Kummissjoni għandha żżomm f’moħħha li l-kundizzjonijiet ivarjaw minn settur għall-ieħor u anki minn pajjiż għall-ieħor, u għalhekk il-fatturi li jiddeterminaw il-prezzijiet huma differenti, u huma dinamiċi u mhux statiċi.

L-isforzi kollha tal-Kummissjoni sabiex tfassal u twaqqaf strument permanenti għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel u d-distribuzzjoni tad-dħul tul il-katina għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-fatti, u r-riżultati ta’ dan għandhom jiġu meqjusa bħala referenza aktar milli bħala verità infallibbli.

5.1.2.   Il-katina tal-provvista tal-ikel tista’ ssir aktar kompetittiva biss jekk ikun hemm kooperazzjoni sinifikanti aktar mill-viċin mal-katina. Proprjament, it-terminu “katina” jissuġġerixxi li kull ħolqa tikkoopera biss mal-ħoloq li jmissu magħha direttament, mentri l-effiċjenza vera tista’ tiġi żgurata biss jekk dawn jaħdmu kollha flimkien fl-interess komuni. Jekk verament nemmnu li l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, permezz tal-prodotti, għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom tiffunzjoni l-katina tal-provvista tal-ikel, dawk fil-katina għandhom jimpenjaw ruħhom f’riflessjoni serja.

5.1.3.   L-Unjoni Ewropea għandha taċċetta l-fatt li ħafna mill-fatturi diskussi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu ttrattati permezz ta’ miżuri tal-politika tal-kompetizzjoni. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni huma effettivi biss biex jittrattaw każijiet konvenzjonali ta’ prattiċi antikompetittivi (bħalma huma l-kartelli u r-reklami qarrieqa). L-esperjenza turi li l-liġi tal-kompetizzjoni mhijiex mezz adegwat biex tittratta s-sitwazzjonijiet elenkati fit-Tabella 1, minħabba l-interdipendenza kumplessa ta’ dawk involuti. L-influwenza ta’ ċerti ktajjen ta’ bejjiegħa bl-imnut fis-suq ma tiġġustifikax reazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livell Komunitarju; madankollu, huwa sinifikanti li mill-perspettiva ta’ fornituri, id-dipendenza fuq bejjiegħa bl-imnut u ċentri ta’ xiri individwali saret fattur deċiżiv għas-sopravivenza tagħhom fis-suq. Bħala riżultat ta’ dan, il-kooperazzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri qed tkun min-naħa waħda biss.

Fl-istess ħin, sanzjonijiet iktar iebsin taħt il-liġi tal-kompetizzjoni jistgħu jiskoraġġixxu b’mod effettiv dawk il-prattiki fejn jiġu mqarrqa l-konsumaturi.

Tul il-ftit snin li ġejjin se tkompli l-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur. Dan għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-prodotti tal-ikel li jaslu fis-suq uniku minn pajjiżi terzi minħabba swieq aktar miftuħa, u mal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti tal-ikel qed jiġu prodotti. Fost affarijiet oħra, iż-żieda fl-importazzjonijiet tirrifletti attenzjoni fuq il-prezzijiet u fuq inqas ħlas għall-ikel. Madankollu, dan imur id f’id mar-riskji miżjuda f’termini ta’ sikurezza tal-ikel u protezzjoni tal-konsumatur aktar baxxi, minħabba li bosta importazzjonijiet jaslu minn reġjuni fejn il-kultura tal-produzzjoni tal-ikel hija f’livell aktar baxx minn dak tal-Ewropa.

5.1.4.   Ma tantx hemm skop għal interferenza fil-politiki kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut. Madankollu, għandna nidentifikaw il-passi possibbli kollha li jippermettu bidla fl-attenzjoni tal-politiki kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar minn dik fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet (jew f’ċerti każijiet, il-kisba tal-iktar prezz baxx). Din l-attenzjoni hija responsabbli għad-distribuzzjoni żbilanċjata attwali tad-dħul fil-katina tal-provvista tal-ikel, u taffettwa wkoll l-attitudnijiet tal-konsumaturi.

5.1.5.   L-Unjoni Ewropea tista’ taġixxi biss b’mod effettiv biex tikkoreġi funzjonament ħażin fil-katina tal-provvista tal-ikel u biex tagħmilha aktar effiċjenti jekk din tkun tista’ tibbaża fuq l-informazzjoni mitluba. Kompitu importanti ieħor tal-UE huwa li titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi Ewropej sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati. Il-konsumaturi huma ċ-ċavetta għas-sopravivenza u l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura u l-industrija tal-ikel Ewropea. Il-konoxxenza tal-konsumatur fl-Ewropa tista’ tgħin sabiex jitqiegħed fil-prattika wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità, il-preferenza għall-prodotti Komunitarji – prinċipju li inevitabbilment ġie mwarrab waqt in-negozjati tal-GATT u d-WTO.

Meta nkunu qed niżviluppaw strument ta’ monitoraġġ, għandna ninkorporaw inċentivi għall-operaturi tas-suq sabiex dawn jipprovdu informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha fis-sistema. Pereżempju, dan jista’ jinvolvi spezzjonijiet fiskali, eżenzjonijiet fiskali u sussidji. Li tkun żgurata t-trasparenza fuq bażi volontorja mhijiex għażla reali.

5.1.6.   Sabiex jittaffew l-effetti negattivi tal-ispekulazzjoni, għandna nikkunsidraw il-possibbiltà li jittieħdu passi regolatorji sabiex jiġi żgurat li huma permessi biss dawk it-transazzjonijiet fil-Boroż li jkunu sostnuti minn garanziji veri fi prodotti, minflok il-prattiki attwali tas-suq li jippermetti flussi limitati ħafna ta’ prodotti biex jeżerċitaw influwenza konsiderevoli fuq il-prezzijiet tas-suq, u dan jiġi tradott f’bidliet tal-prezzijiet fis-suq fiżiku.

5.1.7.   Ktajjen iqsar tal-provvista tal-ikel

It-tnaqqis tan-numru ta’ intermedjarji bejn il-produtturi agrikoli u l-konsumaturi jista’ jgħin sabiex il-katina tiffunzjona b’mod aktar effettiv. Wara l-eżempju tal-programmi biex jitqassmu l-ħalib u l-frott lit-tfal tal-iskola, jistgħu jitħeġġu r-relazzjonijiet bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Wieħed mill-aktar modi ovvji kif jista’ jsir dan huwa li jitħeġġu s-swieq tradizzjonali tal-bdiewa. Dan jgħin biex jiġu kkonservati l-istili tal-ħajja rurali u biex farms żgħar u medji jibqgħu fin-negozju, apparti li jinħoloq għadd ta’ benefiċċji oħra.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen”

COM(2009) 39 finali

(2010/C 128/22)

Relatur: is-Sur McDONOGH

Nhar it-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen

COM(2009) 39 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’168 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE huwa ddiżappuntat ħafna li l-Kapijiet ta’ Stat tal-UE għadhom ma laħqux ftehim dwar id-deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament għat-tibdil fil-klima.

1.2.   Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi, tiġi stabbilita mira għal perijodu fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnellati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, bil-għan li t-tisħin dinji ma jiżdidx b’aktar minn 2 °C.

1.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha tistabbilixxi mira intermedja ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 30 % fl-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, dejjem sakemm ikun hemm tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw.

1.4.   Il-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-1990.

1.5.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda fl-emissjonijiet tagħhom għal 15 % sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.

1.6.   Il-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu għandhom jiġu inkluzi fin-negozjati ta’ Kopenħagen.

1.7.   Il-KESE jtenni li sal-2020, id-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali għandha tonqos b’mill-inqas 50 % meta mqabbla mal-livelli attwali. Fl-istess ħin, għandha tiġi assigurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît fi bnadi oħra tal-pajjiżi żviluppati u għall-futur tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.8.   Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni tappoġġja ftehim internazzjonali bil-għan li jiżdiedu aktar gassijiet iffluworurati fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto.

1.9.   Għandu jiġi pprovdut finanzjament adegwat għar-riċerka dinjija (u reġjonali) dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-wiri.

1.10.   Il-KESE jappoġġja edukazzjoni proattiva u politika usa’ bil-għan li ċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn jifhmu aħjar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

1.11.   Il-kriżi ekonomika globali attwali m’għandhiex ixxekkel it-teħid ta’ azzjonijiet deċiżivi u urġenti fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

2.   Daħla

2.1.   Il-KESE huwa konvint li, fid-dawl tar-riżultati xjentifiċi reċenti li ħarġu mir-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-Bord ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) ’l quddiem, hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata u issa aktar minn qatt qabel.

2.2.   Fl-1996, il-gvernijiet tal-UE stabbilixxew mira ta’ tisħin massimu li jista’ jiġi ttollerat ta’ 2 oC aktar mil-livelli preindustrijali u din ġiet affermata mill-ġdid mill-Kunsilli Ewropej u l-Kunsilli Ambjentali u aktar reċentement mill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima. Jekk dan il-livell jinqabeż jista’ joħloq problemi soċjali kbar minħabba l-impatt fuq is-saħħa, in-nuqqas ta’ ilma u n-nuqqas ta’ sigurtà fil-provvista tal-ikel u l-migrazzjoni mġiegħla. Madankollu, dawn il-2 oC mhumiex biżżejjed peress li diġà qed nosservaw li temperatura medja globali ta’ aktar minn 0.8 oC mil-livelli preindustrijali qed twassal għall-għajbien tas-silġ tal-Baħar Arktiku b’rata mgħaġġla ħafna.

2.3.   Ir-riżultati xjentifiċi reċenti huma ħafna aktar allarmanti minn dawk tar-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-IPCC. L-organizzazzjoni Global Carbon Project ikkonfermat li l-emissjonijiet tal-karbonju qed jiżdiedu (b’medja ta’ 3.5 % bejn l-2000 u l-2007, żieda ta’ kważi erba’ darbiet aktar mill-0.9 % fis-sena bejn l-1990 u l-1999), b’rati ta’ tkabbir li jisbqu anke l-agħar xenarju possibbli stabbilit fir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar ix-Xenarji Possibbli fir-rigward tal-Emissjonijiet.

3.   Il-miri tal-emissjonijiet

3.1.   Sfond

Il-pajjiżi żviluppati u industrijalizzati, li jinkludu madwar biljun mis-6.7 biljun individwu fid-dinja skont statistika tal-2008, huma responsabbli għal madwar 70 % tal-emissjonijiet kollha mill-1950 ’il quddiem. Fil-futur, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa ser jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet.

L-emissjonijiet globali għall-1990 u l-2000 kienu ta’ madwar 40 gigatunnellata (Gt) ekwivalenti ta’ CO2 fis-sena, u fl-2008 kienu ta’ madwar 50 gigatunnellata ekwivalenti ta’ CO2. L-emissjonijiet globali per capita fis-sena fl-1990 u fl-2000 kienu ta’ 7-7.5 tunnellati metriċi per capita u kważi 8 tunnellati metriċi per capita fl-2008. Il-ħidma reċenti mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Impatt tal-Klima f’Potsdam, il-Ġermanja, ikkonkludiet li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jonqsu b’aktar minn 50 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sabiex ir-riskju li naqbżu l-mira ta’ 20C ma jkunx akbar minn 25 % (li xorta waħda mhuwiex riskju insinjifikanti).

3.2.   Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi u mal-ftehim xjentifiku ġenerali, tiġi stabbilita mira fuq il-perijodu iktar fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnelllati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, u dan huwa ekwivalenti għal mira ta’ stabilizzazzjoni għall-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ta’ madwar 500 ppm ekwivalenti ta’ CO2. Il-mira ta’ 2 tunnellati per capita kull sena għandha tiġi promossa fil-livell nazzjonali.

3.3.   Il-KESE jaqbel mal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet imressqa mill-Kummissjoni li jipprovdu għal tnaqqis tal-emissjonijiet globali għal anqas minn 50 % tal-livelli tal-1990 sal-2050.

3.4.   Il-KESE jaqbel mar-rabba’ rapport annwali tal-IPCC u mar-riżultati tal-ħidma aktar reċenti li l-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

L-UE tat l-eżempju billi mpenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

3.5.   Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, kif ġie propost, l-UE għandha tistabbilixxi mira ogħla ta’ tnaqqis – ta’ 30 % – sal-2020, dejjem sakemm ikun hemm impenn għal tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u għal tnaqqis adegwat min-naħa ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw. Mhux il-pajjiżi kollha mniżżlin fl-Anness 1 tal-Protokoll ta’ Kjoto biss għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiksbu din il-mira, iżda wkoll il-pajjiżi kollha membri tal-OECD, l-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u dawk li huma kandidati potenzjali tal-UE. Dan l-impenn min-naħa tal-pajjiżi żviluppati huwa meħtieġ, jekk mhux assolutament indispensabbli, biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw isegwu u jadottaw il-miri. Dawn il-miri għandhom jiġu riveduti maż-żmien u għandu jitfassal pjan direzzjonali li jispeċifika l-miri previsti għall-2030 u l-2040, fid-dawl tal-aħħar riżultati tar-riċerka xjentifika.

3.6.   Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ ambizzjonijiet fil-proposti mressqa mill-pajjiżi żviluppati ewlenin l-oħra bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. Fil-fatt, il-proposti tagħhom għadhom lura ħafna meta mqabbla mal-miri proposti hawn fuq għall-2020. Nhar il-21 ta’Mejju 2009, il-Kumitat tal-Enerġija u l-Kummerċ tal-Kungress Amerikan adotta leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u t-tisħin dinji li tipprovdi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 17 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005 (u mhux tal-livelli tal-1990 li huma partikolarment aktar baxxi) sal-2020 u għal tnaqqis ta’ 83 % sal-2050. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni, li fiha 930 paġna, għad trid tiġi approvata mill-Gvern tal-Istati Uniti u x’aktarx dan mhux ser isir fiż-żmien mixtieq qabel il-konferenza ta’ Kopenħagen f’Diċembru. Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-suċċess tan-negozjati ta’ Kopenħagen.

3.7.   Il-KESE jikkritika wkoll in-nuqqas ta’ impenn finanzjarju konkret min-naħa tal-G8, tmien nazzjonijiet oħra u l-UE li ltaqgħu matul il-Forum tal-Akbar Ekonomiji dwar l-Enerġija u l-Klima f’L’Aquila, l-Italja, fid-9 ta’ Lulju 2009. Għalkemm ftehmu fuq mira globali fuq il-perijodu fit-tul għal tnaqqis tal-emissjonijiet dinjija tal-anqas b’50 % sal-2050, u mira ta’ tnaqqis ta’ 80 % jew aktar għall-pajjiżi żviluppati sal-2050, ma ngħatat l-ebda sena ta’ bażi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u ma ġew stabbiliti l-ebda miri għat-terminu medju (sal-2020).

3.8.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) fl-istess waqt sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda tal-emissjonijiet tagħhom għal 15 sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.

Il-KESE jaħseb li biex dawn il-miri jintlaħqu hemm bżonn ta’ azzjoni bikrija u miftiehma.

3.9.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-massa tal-emissjonijiet per capita huwa indiċi ġusta għall-miri ta’ tnaqqis tal-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, peress li kwalunkwe ċittadin tad-dinja għandu jkollu l-istess drittijiet fil-qasam tat-tniġġis.

3.10.   Il-proporzjonijiet bħall-intensità tal-karbonju (l-emissjonijiet tal-karbonju għal kull unità tal-PDG) jistgħu jintużaw bħala indiċi għall-mira ta’ tnaqqis, għalkemm il-KESE jirrakkomanda li dan jintuża bil-kawtela, peress li t-tnaqqis ta’ dan il-parametru jista’ jirriżulta minn żieda fil-PDG ta’ pajjiż u mhux minn tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ dak il-pajjiż.

4.   Emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu

4.1.   L-emissjonijiet

4.1.1.   L-avjazzjoni internazzjonali (u nazzjonali) kif ukoll it-trasport marittimu jikkostitwixxu sors dejjem jikber ta’ emissjonijiet globali – l-emissjonijet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b’4.5 % fis-sena bejn l-1990 u l-2004 filwaqt li l-emissjonijiet mit-trasport marittimu żdiedu b’2.75 % fis-sena fl-istess perijodu. Minkejja dan, dawn l-emissjonijiet mhumiex ikkontrollati fil-qafas tal-UNFCCC u l-Protokoll tagħha ta’ Kjoto. L-avjazzjoni hija responsabbli għal madwar 2 % tal-emissjonijiet globali, skont l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni fl-2007 u dan il-persentaġġ x’aktarx jiżdied fil-futur qarib. F’Ġunju 2009 l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) adottat sensiela ta’ miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni. L-IATA tipproponi wkoll li l-emissjonijiet jitqiesu (jitħallsu) fil-livell globali u mhux fil-livell reġjonali jew lokali. Ir-rapporti reċenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) juru li t-trasport marittimu jipproduċi madwar 843 MT CO2 fis-sena (madwar 3.5 % tal-ammont totali emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fil-livell dinji), ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ pajjiż żviluppat kbir bħall-Ġermanja.

4.2.   Il-miri

4.2.1.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu għandhom jiġu inklużi fil-ftehim ta’ Kopenħagen: “għal livell li jkun inqas minn dawk tal-2005 sal-2020, u għal livell li jkun ferm inqas mil-livell tal-1990 sal-2050”. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li jekk sa tmiem l-2010 ma jkun hemm l-ebda ftehim fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-miri tal-emissjonijiet, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu ser jingħaddu mal-ammont totali nazzjonali skont il-ftehim ta’ Kopenħagen. Il-KESE jtenni li l-applikazzjoni għal skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija konsiderevolment aktar ikkomplikata fit-trasport marittimu milli fl-avjazzjoni u li skema globali alternattiva tista’ tkun aktar effettiva minn skema tal-UE jew skema reġjonali oħra (ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku).

5.   Emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art

5.1.   It-tibdil fl-użu tal-art – id-deforestazzjoni fi kwantitajiet kbar, il-ħruq tal-pît u attivitajiet simili oħra huma responsabbli għal madwar 17.4 % tal-emissjonijiet globali attwali.

5.2.   Fid-dawl ta’ din il-proporzjoni kbira ta’ emissjonijiet mit-tibdil fl-użu tal-art, il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq il-ħtieġa li nnaqqsu d-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali mill-anqas b’50 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli attwali (ara l-opinjoni tal-KESE dwar Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità).

5.3.   Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît, għall-ewwel fil-pajjiżi żviluppati (u mbagħad fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) sabiex is-CO2 jibqa’ jinqabad ukoll f’dawn il-pajjiżi. Il-pajjiżi kollha għandhom jieħdu passi sabiex jikkontrollaw id-deforestazzjoni.

5.4.   L-Ewropa għandha tagħti eżempju tajjeb u tippromovi l-ħarsien tal-foresti billi pereżempju l-prodotti tal-injam jingħataw ċertifikazzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli.

5.5.   L-aspetti tas-settur agrikolu li huma marbutin mat-tibdil fil-klima huma indirizzati f’opinjoni separata tal-KESE (1) u għaldaqstant m’humiex żviluppati aktar f’din l-opinjoni.

6.   Approċċi settorjali fil-kuntest tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima

6.1.   Il-KESE jipproponi li tingħata attenzjoni lir-rwol ta’ approċċ settorjali sabiex nikkomplementaw in-negozjati dwar it-tibdil fil-klima. Pereżempju, fuq il-bażi tas-suġġerimenti f’rapport tal-grupp ta’ ħidma dwar il-Protokoll ta’ Kjoto, barra l-miri nazzjonali dwar l-emissjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti miri volontarji/obbligatorji, kwantittattivi/kwalitattivi f’setturi speċifiċi (bħall-elettriku, il-ħadid u l-azzar, is-siment). L-approċċ settorjali huwa deskritt f’aktar dettall b’rabta mal-possibbiltajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima.

7.   Gassijiet iffluworurati

7.1.   Il-KESE jaqbel mal-proposta li bosta kimiki industrijali ġodda jiġu inklużi fi trattat futur dwar il-klima. Wieħed minn dawn il-kompożizzjonijiet, it-Triflorur tan-nitroġenu (NF3), huwa komponent li jintuża ħafna fil-manifattura ta’ kompjuters personali u ta’ televiżjonijiet b’LCD flat-screen u bejn wieħed u ieħor huwa 17 000 darba aktar qawwi mis-CO2. L-idrofluworokarburi (HFCs) pereżempju m’humiex ikkontrollati mill-konvenzjoni ta’ Montreal u jintużaw bħala sostituti tal-HCFCs. Kimiki ġodda oħra li qegħdin jiġu kkunsidrati jinkludu tipi ġodda ta’ perfluworokarburi (PFCs) u HFCs, trifluworometil pentafluworur tal-kubrit (SF5CF3), eteri fluworurati, perfluworopolieteri (PFPEs) u l-idrokarburi (HCs). L-industrija tal-kimika hija mħeġġa tiżviluppa sostituti għall-gassijiet industrijali ġodda li għandhom potenzjal kbir li jikkontribwixxu għat-tisħin tad-dinja.

7.2.   Miri

7.2.1.   Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha żżid, permezz ta’ ftehim internazzjonali, il-gassijiet iffluworurati li ġejjin fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto: tipi ġodda ta’ HFCs u PFCs; trifluworometil pentafluworur, eteri fluworurati, PFPEs u HCs, bil-għan li jiġi stabbilit limitu qabel ma jibdew jitnaqqsu b’mod gradwali.

7.2.2.   Il-KESE jirrakkomanda li l-monitoraġġ u l-verifika tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-gassijiet iffluworurati l-ġodda għandhom jikkostitwixxu parti importanti tal-ftehimiet internazzjonali.

8.   Miżuri ta’ mitigazzjoni

8.1.   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jippromovu miżuri favur it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija li ma jiswewx ħafna flus bħall-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini bis-saħħa ta’ regolamentazzjoni u standards. Tista’ tiġi introdotta leġiżlazzjoni għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-iskart u tar-riċiklaġġ. Jistgħu jingħataw sussidji biex iħeġġu lin-nies biex fost affarijiet oħra jinstallaw panewijiet solari u jtejbu l-iżolazzjoni fi djarhom

8.2.   Sorsi rinnovabbli tal-enerġija għandhom jiġu appoġġjati. Pereżempju, għandhom jingħataw sussidji biex jitwaqqfu turbini tar-riħ għall-produzzjoni tal-elettriku u għandu jkollhom il-faċilità li jkunu mqabbdin man-netwerk tal-elettriku. Nistgħu wkoll nużaw ġeneraturi li jkunu mqabbda man-netwerk tal-elettriku u li jkunu jaħdmu bil-bijogass (magħmul minn taħlita ta’ ħaxix, veġetazzjoni, sikrana, eċċ., li titħalla tiffermenta biex jiġi prodott il-metanu), kif irnexxilha tagħmel il-Ġermanja fil-qafas tal-liġi dwar is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni aktar minn 14 % tal-elettriku tal-pajjiż jiġi minn sorsi rinnovabbli.

8.3.   Jeħtieġ li nippromovu t-teknoloġiji ekoloġiċi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw huma mħeġġa jieħdu t-triq tal-innovazzjoni u fejn ikun possibbli jadottaw teknoloġiji ġodda li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.

8.4.   Jeħtieġ li l-impjanti tal-elettriku kemm dawk li jeżistu diġà kif ukoll il-ġodda jittejbu billi jittieħdu miżuri bħat-tibdil għal karburanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, iż-żieda tal-proporzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew nukleari, l-użu ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti fl-impjanti tal-elettriku

8.5.   Il-KESE jirrakkomanda li l-investiment inizjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun immirat lejn ix-xiri tal-aqwa teknoloġiji disponibbli lokalment jew li jkunu adatti għall-kundizzjonijiet lokali.

9.   Miżuri ta’ adattament

9.1.   Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali jagħraf il-fatt li l-adattament għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fi ftehim dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012. L-adattament għat-tibdil fil-klima, fejn is-soċjetà jkollha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-impatti tat-tibdil fil-klima, reċentement ġie enfasizzat waqt Laqgħa Xjentifika Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima. Fl-1 ta’ April 2009, tressqet White Paper tal-KE (COM (2009) 147 finali) dwar il-miżuri ta’ adattament li ser jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jippreparaw ruħhom aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

9.2.   Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas għall-adattament fi ħdan il-ftehim ta’ Kopenħagen. Dan il-qafas għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

approċċ strateġiku għall-adattament,

l-adattament għandu jiġi integrat fl-oqsma ewlenin tal-politika Ewropea,

l-adattament għandu jseħħ fil-livell lokali u reġjonali,

appoġġ għall-adattament fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima kif ukoll f’isem il-UNFCC, permezz tal-qafas għal azzjoni dwar l-adattament.

9.3.   Biex il-politiki ta’ adattament jirnexxu jeħtieġ li l-piżijiet jitqassmu b’mod ġust u li jitqiesu l-impatti fuq l-impjiegi u fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ gruppi bi dħul baxx. Id-dimensjoni soċjali tal-politiki ta’ adattament għandha tiġi eżaminata wkoll u l-imsieħba soċjali kollha għandhom jiġu involuti.

10.   Ir-riċerka dinjija, l-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri

Il-KESE jemmen li għandu jiġi pprovdut minnufih finanzjament għar-riċerka dinjija (u reġjonali), għall-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri (RD&D). L-iskemi tar-RD&D huma rrakkomandati sabiex ikun hemm żvilupp aċellerat, it-titjib tekniku u l-introduzzjoni fis-suq ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija u tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija għall-impjanti tal-elettriku.

10.1.1.   Il-KESE jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni (SEC (2008) 3104 finali) li timplimenta riċerka integrata dwar it-tibdil fil-klima fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka. Il-KESE jirrakkomanda sħubija aktar mill-qrib bejn il-KE u l-IPCC fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka u fi programmi ta’ riċerka relatati fil-futur.

10.1.2.   Il-KESE jappoġġja l-idea li tingħata spinta ’l quddiem lir-riċerka, l-iżvilupp u l-wiri ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija li ġew identifikati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, kif ukoll ta’ dawk it-teknoloġiji li ġew identifikati fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) tal-UE bil-għan li jitnieda mill-ġdid u jitħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji strateġikament importanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.

10.1.3.   Il-kwistjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw inbidlet b’mod sinifikanti mill-1995 ’l quddiem, meta daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs). Skont dan il-ftehim, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jirrispettaw il-privattivi barranin. Mindu ġie introdott dan il-Ftehim, il-kumpaniji qed isibu li jaqblilhom aktar iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-privattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

10.2.   Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni favur l-miri li ġejjin:

it-twettiq ta’ riċerka dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, l-adattament u possibilitajiet oħra għall-mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali;

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika internazzjonali għar-riċerka kollha li hija relatata mal-klima, inkluż it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha;

li tal-anqas tirdoppja ir-RD&D relatati mal-enerġija sal-2012 u li sal-2020 ikunu erba’ darbiet aktar mill-livelli attwali, b’bidla sinifikanti favur it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju speċjalment sorsi rinnovabbli tal-enerġija.

11.   Riżorsi Finanzjarji

11.1.   Kwalunkwe ftehim komprensiv li jintlaħaq f’Kopenħagen għandu jiġi appoġġjat minn riżorsi finanzjarji adegwati. Il-proposti finanzjarji tal-pajjiżi żviluppati għandhom jitressqu f’qasir żmien jekk irridu nimmotivaw u nħeġġu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu azzjoni. Il-finanzjament, flimkien mal-miri mifthema mill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, huwa l-fattur ewlieni li jiddetermina s-suċċess jew il-falliment ta’ Kopenħagen.

11.2.   Hemm nuqqas ta’ ħeġġa fl-impenn tal-UE lejn il-Konferenza ta’ Kopenħagen u dan joħroġ fid-dieher permezz tal-fatt li waqt il-laqgħa tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ipposponew deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament tat-tibdil fil-klima u ddikjaraw li l-prinċipji tal-kapaċità li wieħed iħallas u jinżamm responsabbli għall-emissjonijiet għandhom iservu ta’ bażi għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

11.3.   Peress li l-Kunsill Ewropew s’issa għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar il-finanzjament, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ urġenza f’dan ir-rigward. Huwa inkwetanti ħafna li s’issa l-pajjiżi żviluppati, inkluż l-UE, mhumiex qed jagħmlu wegħdiet jew impenji finanzjarji adegwati.

11.4.   Investiment f’oqsma bħal dak tat-teknoloġiji li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija u profil wiesa’ ta’ teknoloġiji b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jippromovu t-tkabbir ekonomiku u jtejbu l-iffrankar tal-enerġija.

11.5.   Ir-riżorsi bil-għan li jiffinanzjaw miżuri li jtaffu ż-żieda fl-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu minn sorsi domestiċi u esterni, mis-suq dinji tal-karbonju u mill-kontribut tal-pajjiżi żviluppati.

: l-investiment sal-2020 u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom isiru bi prezz relattivament baxx permezz ta’ miżuri li jippromovu l-użu effiċjenti tal-enerġija fid-dar, fil-bini u fis-settur privat; u l-politiki tal-gvern għall-ambjent u l-enerġija jistgħu jappoġġjaw dan l-investiment finanzjarju. Barra minn hekk, is-sussidji u s-self ta’ flus fil-qafas ta’ programmi nazzjonali, internazzjonali u bilaterali jistgħu jkunu sorsi potenzjali oħra ta’ finanzjament.

: għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li jmorru lil hinn minn possibbiltajiet ta’ prezzijiet baxxi jew ta’ benefiċċju nett fuq il-perijodu qasir u li jirrekjedu finanzjament li jisboq il-kapaċitajiet domestiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati, jeħtieġ li tiġi appoġġjata s-sensiela sħiħa ta’ sorsi u mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż il-fondi pubbliċi u mekkaniżmi internazzjonali għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tibni suq tal-karbonju li jkopri l-OECD kollha sal-2015 billi ġġib flimkien l-ETS tal-UE flimkien ma’ sistemi komparabbli ta’ limiti massimi u skambji oħra u suq usa’ sal-2020.

11.6.   Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati f’aktar dettall il-mekkaniżmi internazzjonali ta’ finanzjament. Is-suġġett ser jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru. Il-KESE huwa konvint li l-kwistjoni ser tiġi indirizzata tard ħafna peress li l-Konferenza ta’ Kopenħagen ser tinżamm f’Diċembru.

Il-KESE jabel mal-Kummissjoni li l-pajjiżi żviluppati għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ finanzjament pubbliku u billi jużaw mekkaniżmi għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji pubbliċi għandhom ikunu komparabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif ukoll fuq il-kapaċità ekonomika ta’ kull pajjiż. Il-firxa tal-kontribuzzjonijiet għandha tiġi negozjata u għandha tagħmel parti integrali mill-ftehim:

i)

L-impenn finanzjarju annwali tal-pajjiżi żviluppati għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ formula stabbilita (li tikkombina l-priniċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-kapaċità ta’ dak li jkun biex iħallas);

ii)

Għandu jitwarrab persentaġġ tal-emissjonijiet li huma permessi għal kull pajjiż żviluppat. Imbagħad, dawn l-emissjonijiet jiġu rkantati lill-gvernijiet f’livell internazzjonali miftiehem.

11.7.1.   Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-proposta tal-Messiku li kull pajjiż fid-dinja għandu jikkontribwixxu f’riżerva ċentrali u d-daqs tal-kontribuzzjoni għandu jkun ibbażat fuq formula li tqis il-popolazzjoni ta’ kull pajjiż, il-PDG u l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Din ir-riżerva ċentrali mbagħad tinqasam bejn il-pajjiżi kollha skont il-bżonnijiet tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet, jibnu teknoloġiji ekoloġiċi u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

11.8.   Il-KESE

jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ limiti massimi u skambji l-ewwel fost il-pajjiżi żviluppati u mbagħad maż-żmien fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ewlenin;

jappoġġja wkoll ir-riforma tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) peress li l-fatt li n-natura tas-CDM hija speċifika għal kull proġett ħoloq spejjeż amministrattivi u ta’ tranżażżjoni kbar; Uzzjoni possibbli hija bidla mis-CDM attwali li huwa bbażat fuq il-proġett ikkonċernat għal CDM settorjali. Soluzzjoni oħra hija CDM ibbażat fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-trasferiment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali.

11.9.   L-istimi tal-ispejjeż biex jintlaħqu l-miri fuq il-perijodu fit-tul sal-2050 mhumiex żgħar (madwar 2 % tal-PDG attwali), iżda l-ispejjeż ikunu konsiderevolment akbar jekk ma tittiħidx azzjoni deċiżiva.

12.   Is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku

12.1.   Jeħtieġ li l-pubbliku jsir aktar konxju tas-sitwazzjoni attwali tat-tisħin dinji u tal-konsegwenzi li dan iġib miegħu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni minnufih fir-rigward tat-tibdil fil-klima.

12.2.   Iċ-ċittadini għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex jagħtu sehemhom billi jużaw forom ta’ enerġija aktar ekoloġiċi, jixtru prodotti u servizzi li jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-enerġija, u jnaqqsu l-impatt tal-karbonju tagħhom.

12.3.   Il-KESE jemmen li l-pajjiżi, permezz tal-mezzi tax-xandir, għandhom jissensibilizzaw liċ-ċittadini fir-rigward tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, il-konservazzjoni tal-enerġija u li jiġu provduti sorsi alternattivi tal-enerġija (mhux mill-karburanti fossili) u b’hekk ikunu qed jgħinu biex inaqqsu l-gassijiet b’effet ta’ serra li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Jeħtieġ ukoll li l-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati fl-iskejjel primarji u sekondarji, fil-qafas ta’ programmi edukattivi li għandhom jiġu inklużi fi strateġija fuq il-perijodu aktar fit-tul.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tinħtieġ politika għal edukazzjoni proattiva bil-għan li jiġi promoss fehim aħjar tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

12.4.   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Kunsill Ewropew għandu jħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi nazzjonali tagħhom, jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi, it-trejdjunjins u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata fil-promozzjoni tal-istrateġiji u l-inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima.

12.5.   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jikkooperaw aktar mill-qrib biex joħolqu bażi soda ta’ għarfien dwar l-impatti u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jimmobilizzaw iċ-ċittadini tagħhom u s-settur privat. Pereżempju, madwar 500 muniċipalità impennjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’aktar minn 20 % sal-2020 fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE tal-Patt tas-Sindki.

13.   Klawżola ta’ reviżjoni

13.1.   Il-KESE jenfasizza l-fatt li reviżjoni perjodika tal-progress ġenerali u tal-adegwatezza tal-impenni u l-azzjonijiet kif ukoll reviżjoni komprensiva fl-2015 għandhom jagħmlu parti integrali mill-ftehim.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 59-65..


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni”

COM(2009) 147 finali

(2010/C 128/23)

Relatur: Is-Sur OSBORN

Nhar l-1 ta’ April 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

White Paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni”

(COM(2009) 147 finali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal- 5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’183 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   It-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda tiffaċċja d-dinja fis-seklu 21. L-azzjonijiet li jillimitaw dawn il-bidliet billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom l-ogħla prijorità. Madankollu huwa importanti wkoll li jsiru pjanijiet minn qabel sabiex nadattaw għal dawn il-bidliet li issa saru inevitabbli.

1.2.   Fl-2007 il-Kummissjoni ppublikat Green Paper dwar l-Adattament. Wara konsultazzjoni wiesgħa dwar dak id-dokument u iktar analiżi l-Kummissjoni issa ppublikat White paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” li dwarha qed titlob l-opinjoni tal-Kumitat.

1.3.   Fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Green Paper (1) il-KESE rrakkomanda li titwaqqaf strateġija globali Ewropea ta’ adattament bħala qafas li jindika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u minn atturi oħra. Il-White Paper issa tipproponi dat-tip ta’ qafas u l-Kumitat jilqa’ l-approċċ ġenerali tagħha.

1.4.   Madankollu l-Kumitat jikkunsidra li xi wħud mill-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni m’għandhomx l-urġenza meħtieġa u mhumiex speċifiċi biżżejjed. B’mod partikolari l-Kumitat iħeġġeġ:

rwol aktar b’saħħtu għall-istrateġija ta’ koordinazzjoni Ewropea li ġġib flimkien għadd ta’ strateġiji ta’ adattament nazzjonali;

skeda aktar ristretta biex tkompli tiġi żviluppata l-istrateġija b’attenzjoni partikolari fuq kwistjonijiet jew oqsma li jistgħu jeħtieġu l-aktar miżuri ta’ adattament urġenti li għandhom jiġu implimentati;

it-twaqqif ta’ kumitat indipendenti ta’ livell għoli jew korp għall-monitoraġġ tal-progress fil-mitigazzjoni u l-adattament fl-Ewropa u li b’mod pubbliku jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjonijiet fejn mhux qed isir biżżejjed progress;

sforz bikri biex tiġi kwantifikata l-iskala tal-ispejjeż tal-adattament li x’aktarx ser ikunu meħtieġa fl-Ewropa (li jista’ jitqabbel mal-isforzi ammirevoli tal-Kummissjoni biex tikkwantifika l-bżonnijiet f’dan ir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw);

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni, tal-anqas fil-livell tal-OECD u preferibbilment fil-livell internazzjonali peress li l-adattament għandu jkun globali;

sforz ikbar biex il-pubbliku u s-soċjetà ċivili jiddaħħlu fl-iżvilupp tal-pjanijiet u l-azzjonijiet għall-adattament.

2.   Il-White Paper u l-isfond tagħha

2.1.   It-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi li qiegħda tiffaċċja d-dinja fis-seklu 21. L-azzjonijiet li jillimitaw dawn il-bidliet billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom ikunu l-ogħla prijorità għad-dinja u għal-laqgħa li jmiss tal-UNFCCC f’Kopenħagen. Madankollu huwa importanti wkoll li jsiru pjanijiet minn qabel sabiex nadattaw għal dawk il-bidliet li issa saru inevitabbli.

2.2.   Fl-2007 il-Kummissjoni ppublikat Green Paper dwar l-Adattament. Wara konsultazzjoni wiesgħa dwar dan id-dokument (inkluża opinjoni tal-Kumitat) il-Kummissjoni issa ppublikat White paper dwar “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” li dwarha qed titlob l-opinjoni tal-Kumitat. Ħafna mill-punti fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat huma riflessi b’mod konsiderevoli fil-White Paper.

2.3.   Il-White Paper tirrikonoxxi li fid-dinja diġà qed iseħħ tibdil sinifikanti fil-klima u dan ser ikompli b’mod sostanzjali li jwassal għal impatt serji fuq ħafna setturi li jridu jsiru pjanijiet għalihom minn issa. Hemm ħafna inċertezzi dwar il-firxa tal-effetti u kif dawn ser ikunu mqassma ġeografikament, li jiddependi parzjalment minn kemm jirnexxu l-isforzi dinjija biex jittaffa t-tibdil fil-klima billi jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Iżda anke fl-aktar eventwalità ottimista ta’ mitigazzjoni, jrid isir adattament għal bidliet kbar, u dan għandu jiġi ppjanat minn issa.

2.4.   Għar-reġjun Ewropew il-White Paper tidentifika diversi setturi li x’aktarx jiġu affettwati b’mod partikolari:

l-agrikoltura u l-foresterija;

is-sajd u l-akkwakultura, l-ekosistemi kostali u tal-baħar;

l-infrastruttura u l-vulnerabbiltà tagħha għal avvenimenti estremi u l-għoli fil-livelli tal-baħar;

it-turiżmu;

is-saħħa tal-bnedmin u tal-pjanti;

ir-riżorsi tal-ilma;

l-ekosistemi u l-bijodiversità.

2.5.   Il-White Paper tissuġġerixxi li l-aktar strateġiji effettivi x’aktarx jaħdmu fuq il-kapaċità tan-natura li tassorbi jew tikkontrolla l-impatt aktar milli jikkonċentraw sempliċement fuq l-infrastruttura fiżika. Hija tirreferi għal Approċċ tal-Infrastruttura Ekoloġika indikat fil-valutazzjoni tal-impatt.

2.6.   Il-White Paper targumenta li l-adattament awtonomu mill-individwi u n-negozji milquta minn dawn l-effetti x’aktarx mhux ser jiksbu l-aħjar riżultati. Hija tirrakkomanda miżuri ta’ politika ta’ prevenzjoni biex jiġu evitati miżuri mhux adattati (“maladattament”) u jinkisbu l-vantaġġi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ azzjoni li ssir kmieni flok tard.

2.7.   Il-White Paper tirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-miżuri ta’ adattament iridu jsiru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda tara li hemm rwol ċar għall-parteċipazzjoni Ewropea fl-oqsma li fihom il-problemi jisbqu l-fruntieri nazzjonali, u f’setturi li fihom diġà hemm kompetenzi u attivitajiet Ewropej żviluppati tajjeb li jista’ jkollhom huma stess influwenza importanti fuq l-adattament.

2.8.   Il-White Paper issa qed tipproponi qafas f’żewġ fażijiet għall-azzjoni. Fl-ewwel fażi (2009–2012) hija tipproponi erba’ pilastri għall-azzjoni u sensiela ta’ azzjonijiet għall-UE u l-Istati Membri taħt kull wieħed minn dawn it-titli:

l-iżvilupp ta’ bażi solida ta’ għarfien;

l-integrazzjoni tal-adattament fl-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE;

l-użu ta’ għadd ta’ strumenti ta’ politika li jiżguraw li l-adattament isir b’mod effettiv;

żjieda fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-adattament.

2.9.   Għat-tieni fażi, li tibda fl-2013, huwa maħsub li jkun hemm strateġija tal-adattament aktar komprensiva, iżda s’issa l-White Paper għadha mhux qed tipprovdi dettalji dwar l-ambitu potenzjali tagħha.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Fl-opinjoni preċedenti tal-Kumitat dwar il-Green Paper (NAT/368) il-KESE rrakkomanda li titwaqqaf strateġija globali Ewropea ta’ adattament bħala qafas li jindika l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew u dak nazzjonali u minn atturi oħra. Il-White Paper issa qed tipproponi dat-tip ta’ qafas li jinkludi ħafna mill-punti rakkomandati mill-Kumitat fl-opinjoni preċedenti tiegħu. Naturalment il-Kumitat huwa sodisfatt b’dan, u bl-approċċ ġenerali deskritt fil-White Paper.

Madankollu, taħt ħafna mit-titli, il-forma ta’ azzjoni proposta hija pjuttost provviżjorja. Għadd ta’ azzjonijiet proposti għandhom jiġu studjati, ikkunsidrati, ivvalutati jew inkoraġġuti. L-ebda waħda mhi meħtieġa jew obbligatorja, u ma jidher li m’hemm l-ebda prospettiva fil-viċin ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-qasam. Fid-dawl tas-serjetà dejjem tikber tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-importanza ta’ tmexxija Ewropea f’dan ir-rigward, il-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha timxi b’pass iktar mgħaġġel lejn strateġija preskrittiva b’objettivi aktar speċifiċi. Il-bqija ta’ din l-opinjoni tindika xi elementi ewlenin tal-istrateġija li hi aktar b’saħħitha li l-Kumitat jemmen li l-Ewropa għandha taħdem favur il-ksib tagħha.

3.2.1.    – Għalkemm ħafna mill-azzjoni prattika meħtieġa għall-adattament għat-tibdil fil-klima għandha tittieħed fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn ta’ parteċipazzjoni Ewropea sinifikanti wkoll. Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan:

l-analiżi tal-bidliet u l-impatt probabbli ser jeħtieġ riċerka u sforzi ta’ monitoraġġ kbar li jkunu jibbenefikaw minn koordinazzjoni fil-livell Ewropew;

xi wħud mill-problemi li ser iqumu ser jisbqu l-fruntieri nazzjonali u jkollhom bżonn risposta kkordinata;

l-impatt ser ikun differenti sew f’partijiet differenti tal-Ewropa, u xi wħud mill-ifqar reġjuni jistgħu jkunu fost l-agħar li jintlaqtu, dan jindika l-ħtieġa li l-piż jinqasam permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koeżjoni jew mekkaniżmi oħra;

bosta politiki u programmi ewlenin tal-Kummissjoni fosthom il-PAK u l-fondi strutturali ser ikollhom bżonn ta’ aġġustament fid-dawl tat-tibdil fil-klima biex jaqdu l-funzjoni tagħhom aħjar;

jekk wieħed iħares lil hinn mill-Ewropa jkun hemm bżonn ta’ sforzi internazzjonali kbar ħalli jgħinu l-inqas pajjiżi żviluppati tan-Nofsinhar li x’aktarx ser ibagħtu l-aktar mit-tibdil fil-klima u li għandhom l-inqas kapaċità li jadattaw b’mod adegwat. L-UE tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tikkoordina l-isforzi Ewropej f’dan il-qasam;

Fuq kollox, l-isfida li jseħħ adattament adegwat u fil-ħin għat-tibdil li għad irid isir fil-klima tagħna jirrikjedi li l-mexxejja politiċi tal-Ewropa jaħdmu flimkien f’intrapriża komuni li tisboq il-fruntieri nazzjonali.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kumitat jappoġġja kompletament il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija Ewropea b’saħħitha dwar l-adattament, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija b’mod aktar deċiżiv u li jkollha objettivi aktar speċifiċi kemm jista’ jkun malajr.

Peress li t-tibdil fil-klima għandu natura globali, jrid jittieħed approċċ globali biex jiġu żviluppati programmi ta’ adattament, aktar u aktar peress li dan it-tibdil l-aktar li jolqot huma l-pajjiżi l-inqas żviluppati li huma wkoll l-aktar vulnerabbli. L-OECD qed tiżviluppa inizjattiva maġġuri fuq dan il-front u l-oqfsa u l-programmi tal-UE għandhom ikunu kompletament koordinati f’da il-livell ukoll.

Fl-istess waqt li jkunu qed jiġu żviluppati l-azzjonijiet fil-livell Ewropew, huwa vitali wkoll li tiġi stimolata azzjoni aktar b’saħħitha fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-informazzjoni ta’ sfond għall-White Paper turi li bħalissa hemm varjetà kbira ta’ approċċi fil-livell nazzjonali, u li xi Stati Membri wettqu progress ikbar minn oħrajn fl-analiżi tas-sitwazzjonijiet tagħhom u fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ adattament xierqa. Biex il-proċess ta’ adattament jingħata spinta aktar qawwija, il-Kumitat jissuġġerixxi li issa jkun utli li inizjattiva Ewropea tobbliga ċerti parametri u skadenzi komuni għat-twaqqif ta’ strateġiji nazzjonali tal-adattament.

3.2.2.    – Il-Kummissjoni tipproponi proċess f’żewġ stadji, l-ewwel wieħed mill-2009 sal-2012 li tulu l-bażi tal-għarfien tissaħħaħ, l-adattament jiġi integrat fl-oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE, il-miżuri jiġu żviluppati u l-isforzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali jissaħħu. Huwa biss fit-tieni fażi, li tibda fl-2013 li tiġi żviluppata għal kollox strateġija komprensiva ta’ adattament.

3.2.3.   Il-Kumitat jifhem il-loġika ta’ dan l-aproċċ f’żewġ stadji. Iżda huwa mħasseb li hija wisq kajmana għall-urġenza tal-problema. L-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qed jibdew jinħassu kemm fl-Ewropa u b’mod aktar qawwi f’partijiet oħra tad-dinja. Anke jekk l-isforzi ta’ mitigazzjoni jiddaħħlu b’suċċess madwar id-dinja wara l-laqgħa ta’ Kopenħagen, il-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra xorta waħda ser ikomplu jiżdiedu fl-atmosfera għal diversi għexieren ta’ snin b’effetti fuq il-klima li jsiru dejjem iktar severi. Il-miżuri ta’ adattament għandhom jinbdew minn issa, u mhux f’xi żmien vagament medju fil-futur. B’mod simili, azzjoni li tevita żviluppi u investimenti mhux adatti (nevitaw il-“maladattament”) għandha tibda kemm jista’ jkun kmieni u mhux tiġi posposta.

3.2.4.   Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ħidma analitika tagħha għat-tliet snin li ġejjin tagħti attenzjoni partikolari lit-titjib fil-metodi tat-tbassir tal-effetti fiż-żmien qrib (1-5 snin) li jistgħu jeħtieġu l-aktar miżuri u azzjonijiet urġenti ta’ adattament f’dak il-perjodu. Liema huma l-aktar xtut vulnerabbli li jeħtieġu l-aktar miżuri ta’ ħarsien urġenti? Fejn ser jonqos l-iktar l-ilma, u x’jista’ jsir? X’effetti ser ikun hemm fuq is-saħħa, u kif nistgħu nippreparaw għalihom bl-aħjar mod?

3.2.5.   B’mod simili, il-Kummissjoni għandha tidentifika b’mod urġenti fejn jinsabu l-akbar riskji li jsiru investimenti mhux adatti (“maladattament”) u kif dawn l-iżbalji l-aħjar li jiġu evitati. Il-kontinwazzjoni ta’ żvilupp f’żoni fejn ser ikun aktar possibbli li jintlaqtu minn għarar serju fil-futur huwa eżempju ta’ dan.

3.2.6.   Il-kapaċitajiet analitiċi u tat-tbassir tal-istituzzjonijeit ewlenin għandhom jiġu żviluppati b’mod urġenti sal-punt li jkunu jistgħu jigwidaw b’mod li jagħmel sens lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kritiċi bħal dawn. Barra minn hekk, għandha tiġi ssorveljata b’mod kostanti l-konċentrazzjoni tas-CO2 f’postijiet rappreżentattivi differenti fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, u għandhom jiġu osservati t-tibdil fil-klima u l-impatt fuq il-klima tal-livell ta’ dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera.

3.2.7.   Arranġamenti Istituzzjonali – Il-White Paper tipproponi t-twaqqif ta’ żewġ mekkaniżmi ġodda għal madwar l-Ewropa – Grupp ta’ Tmexxija dwar l-Impatt u l-Adattament biex imexxi ’l quddiem il-kooperazzjoni dwar l-adattament u Mekkaniżmu ta’ Ċentru ta’ Skambju ta’ Tagħrif bħala għodda tal-IT u bażi tad-data dwar l-impatt u l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima u l-aħjar prattiki dwar l-adattament. Iż-żewġ proposti jidhru utli sa fejn iwasslu, iżda fil-fehma tal-Kumitat mhuwiex probabbli li waħedhom ser jiġġeneraw it-tip ta’ viżibbiltà u enerġija politika li hi meħtieġa biex jittieħdu l-miżuri tal-adattament fuq l-iskala u bir-ritmu li huwa meħtieġ.

3.2.8.   Għalhekk il-Kumitat jixtieq jerġa’ jressaq ir-rakkomandazzjoni li kien għamel meta kkummenta dwar il-Green Paper li l-UE għandha twaqqaf entità ta’ monitoraġġ indipendenti bi president ta’ statura indipendenti inkarigat li jissorvelja l-progress tal-istrateġija kollha dwar it-tibdil fil-klima (kemm l-adattament kif ukoll il-mitigazzjoni). Din l-entità indipendenti tirrapporta b’mod regolari u pubbliku dwar il-progress madwar l-Ewropa u tavża minn kmieni jekk ikun jidher li l-azzjonijiet ikunu inqas mill-impenji jew, fil-każ tal-adattament, ma jkunux qed jippreparaw b’mod adegwat għall-effetti imminenti tat-tibdil fil-klima.

3.2.9.   Minn mindu l-Kumitat għamel din ir-rakkomandazzjoni għall-ewwel darba, il-kumitat indipendenti dwar il-klima li twaqqaf fir-Renju Unit għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ambizzjużi li rnexxielhom iwasslu lill-pajjiż biex jieħu aktar azzjoni, u wera b’suċċess kemm hi importanti entità bħal din. Entità simili fil-livell Ewropew jista’ jkollha rwol prezzjuż biex tinżamm il-pressjoni għall-azzjoni f’dak il-livell.

3.2.10.    – Fil-kuntest tan-negozjati ta’ Kopenħagen, l-Ewropa għandha bżonn urġenti li tistabbilixxi x’fondi hemm bżonn li jkunu aċċessibbli biex jappoġġjaw l-isforżi għall-adattament (u l-mitigazzjoni) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u x’kontribut għandha tagħti l-Ewropa lejn dan. F’komunikazzjoni separata COM(2009) 475/3, il-Kummissjoni stmat li sal-2020 il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ser ikollhom ħtieġa għal fondi ta’ madwar $100 biljun fis-sena għall-ispiża ta’ mitigazzjoni u l-adattament; u tagħti suġġerimenti dwar kemm minn dan l-ammont li għalih jeħtieġ il-kontribut tas-sorsi tal-finanzi pubbliċi fl-Ewropa. Il-Kumitat jilqa’ dawn il-proposti f’waqthom u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jikkunsidrawhom b’mod urġenti ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu verament lejn is-suċċess ta’ Kopenħagen.

3.2.11.   Fil-kuntest ta’ Kopenħagen wieħed jifhem iżda xorta waħda jħossu diżappuntat li jidher li s’issa hemm ħafna inqas ċarezza dwar l-ispejjeż potenzjali tal-adattament fi ħdan l-Ewropa stess. Il-White Paper tiddiżappunta għan-nuqqas ta’ figuri dwar kemm jista’ jiswa l-adattament fl-Ewropa u titkellem biss dwar l-istima tal-ispejjeż tal-miżuri ta’ politika ta’ adattament aktar ’il quddiem. Il-Kumitat jissuġġerixxi li għandha ssir minnufih stima inizjali ta’ kemm l-Ewropa x’aktarx ser ikollha bżonn riżorsi. Din l-istima globali imbagħad għandha tinqasam f’sezzjonijiet – l-ogħla prijoritajiet li għandhom bżonn l-infiq fl-ewwel ħames snin, filwaqt li l-ispejjeż inqas urġenti jitħallew għal iktar tard. L-istima għandha tqis kemm mill-ispiża tista’ titħalla f’idejn is-settur privat b’mod raġonevoli, kemm tista’ tiġi koperta mill-assigurazzjoni b’mod raġonevoli, u fejn x’aktarx ser ikun hemm bżonn tal-infiq pubbliku. Ikun meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat kif l-aħjar li jinqasam l-isforz tal-infiq pubbliku bejn il-baġit nazzjonali u dak Ewropew.

3.2.12.   Naturalment dawn l-istimi mhumiex faċli. Madankollu jekk jistgħu jsiru għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw żgur li jistgħu jsiru għall-Ewropa Fil-fehma tal-Kumitat dan għandu jsir b’sens akbar ta’ urġenza u tal-iskala potenzjali tal-problemi li hemm quddiemna milli timplika l-White Paper. Id-dinja qed tersaq lejn sitwazzjoni kompletament ġdida, u l-pjanijiet għall-infiq ta’ prekawzjoni u ta’ adattament ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-esperjenza tal-passat jew indikaturi sorpassati bħal li jkun hemm ħarsien suffiċjenti biex jilqa’ għal kull diżastru naturali ħlief għall-avvenimenti li jiġru darba kull mitt sena. Fil-futur, l-avvenimenti naturali li fil-passat kienu jiġru biss darba kull mitt sena ser jibdew iseħħu ħafna aktar ta’ spiss. Għaldaqstant, il-kriterji ta’ pjanar u l-linji gwida kontinġenti flimkien mal-ispejjeż ta’ prekawzjoni li joħorġu minnhom iridu jiġu aġġustati u jiddaħħlu fil-baġits rilevanti.

3.2.13.   Hekk kif l-impatt tat-tibdil fil-klima jsir aktar gravi fis-snin li ġejjin, l-ispejjeż ta’ adattament x’aktar ser jiżdiedu u ser isiru parti ikbar mill-baġits pubbliċi u dawk tas-settur privat, u ser ikunu jidhru b’aktar prominenza fil-poloz u l-ħlasijiet tal-assigurazzjonijiet. L-istudji kollha sal-lum jindikaw li fil-każ tal-adattament kif ukoll tal-mitigazzjoni, x’aktarx ikun ta’ vantaġġ li jittieħdu l-miżuri adatti minnufih minflok ma jkun hemm reazzjoni tard wisq wara li tkun seħħet xi ħsara kbira.

3.2.14.   Jekk mill-banda l-oħra l-azzjoni ssir f’waqtha, u tiġi integrata b’mod effettiv mal-miżuri l-oħra ta’ politika għandu jkun hemm, tal-anqas f’xi każijiet, il-possibbiltà ta’ miżuri fejn kulħadd jirbaħ u li jtejbu l-kapaċità ta’ rkupru ta’ żona jew ta’ funzjoni kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima filwaqt li jmexxu ’l quddiem objettivi ta’ politika oħra. Huwa urġenti li t-tfittxija għal dawn is-sinerġiji possibbli tibda kemm jista’ jkun malajr, u li l-figuri totali għall-ispejjeż tal-adattament jibdew joħorġu fil-miftuħ għad-diskussjoni u l-irfinar.

3.2.15.    – It-tibdil fil-klima ser jolqot ħafna setturi differenti tal-ekonomija u ħafna negozji u individwi differenti. Huwa importanti li jkun hemm komprensjoni wiesgħa ta’ dan l-impatt, u li kulħadd jħossu involut fl-implimentazzjoni tal-bidliet li ser ikunu meħtieġa biex jiġi indirizzat dan l-impatt. Attwalment, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha t-tendenza li tiffoka primarjament fuq dak li l-individwi, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħmlu biex jikkontribwixxu lejn l-isforzi ta’ mitigazzjoni bid-deċiżjonijiet li jieħdu fil-ħajja u n-negozju tagħhom.

3.2.16.   Madankollu, b’mod parallel, dalwaqt ser ikun meħtieġ li l-pubbliku aktar wiesa’ jindirizza l-kwistjonijiet tal-adattament li jistgħu jolqtuh bħal:

fejn imorru jgħixu, jaħdmu u fejn imorru għall-vaganza fid-dawl tax-xejriet li qed jinbidlu fil-klima;

kif il-ġestjoni tas-siġar li jgħixu fit-tul u l-foresti tista’ tkampa mal-kundizzjonijiet klimatiċi li jinbidlu l-ħin kollu;

liema pjanti u siġar ser jikbru fil-ġonna f’ċirkostanzi li jinbidlu u kif jistgħu jinżammu l-pajsaġġi tradizzjonali f’kull reġjun tal-UE;

kif tista’ tinbidel id-distribuzzjoni tar-riskji tas-saħħa u x’prekawzjonijiet jistgħu jittieħdu.

kif jistgħu jinbidlu l-ikel u d-dieta tagħna.

Ikun importanti li l-pubbliku ġenerali u l-aktar gruppi milquta jinżammu aġġornati dwar l-aħħar konklużjonijiet analitiċi ta’ dat-tip ta’ effetti tat-tibdil fil-klima hekk kif joħorġu, u tal-bidliet li għad jista’ jkun hemm fil-futur. Fl-istess waqt, il-pubbliku u b’mod partikolari l-aktar gruppi milquta ser ikollhom bżonn l-għajnuna biex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar it-tip ta’ miżuri ta’ adattament li jistgħu jieħdu. L-Ewropa jista’ jkollha sehem ewlieni biex tistimola dan it-tip ta’ djalogu pubbliku u t-tixrid tal-komprensjoni. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tagħti aktar attenzjoni lil dan l-aspett.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 38.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen”

COM(2009) 475 finali

(2010/C 128/24)

Relatur ġenerali: is-Sinjura ANDREI

Nhar l-10 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen

COM(2009) 475 finali.

Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-457 Sessjoni Plenara tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’Novembru 2009) li jaħtar lis-Sinjura Andrei bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’179 voti favur, 4 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jilqa’ dawn il-proposti f’waqthom u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jikkunsidrawhom b’mod urġenti ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu verament lejn is-suċċess tal-konferenza ta’ Kopenħagen. Il-komunikazzjoni hija bidu tajjeb, peress li s’issa l-pajjiżi industrijalizzati ma riedu jipproponu l-ebda ċifra għad-diskussjoni tal-finanzjament.

1.2.   Il-finanzjament għall-klima m’għandux jitqies bħala għajnuna volontarja iżda obbligu, li hemm provvediment għalih fl-Artikoli tal-Konvenzjoni tal-UNFCCC, biex jiġu provduti riżorsi finanzjarji ġodda, addizzjonali li jkunu adegwati u li jistgħu jiġu previsti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa obbligu neċessarju li l-pajjiżi industrijalizzati jirrispettaw il-prinċipju tal-Konvenzjoni msejjes fuq ir-“responsabbiltà komuni imma differenzjata”.

1.3.   Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom bżonn ta’ għajnuna sostanzjali biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima; dan ġie rikonoxxut mill-UE fil-Konvenzjoni dwar il-Klima tan-NU. Huwa probabbli li ser ikollhom spejjeż ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena fid-deċennji li ġejjin għall-mitigazzjoni u l-adattament.

1.4.   Il-KESE qed jappoġġja l-proposta tal-UE għal finanzjament pubbliku b’bidu mgħaġġel (fast start) mill-pajjiżi industrijalizzati ta’ EUR 5 sa 7 biljun fis-sena għall-perjodu qabel l-2013. Dan hu bidu tajjeb, fid-dawl tal-attmosfera attwali u n-nuqqas ta’ fiduċja bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana.

1.5.   Il-Kumitat japprezza wkoll l-approċċ pożittiv tal-Kummissjoni lejn azzjoni biex jinħarġu l-fondi mill-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali.

1.6.   Mill-banda l-oħra, diġà hemm sinjali qawwija min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fl-Afrika, li l-offerta tal-UE hija baxxa wisq u b’mod effettiv ser tkun qed tirrikjedi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jħallsu għall-ħsarat li għamlu oħrajn tul bosta snin. Ħafna NGOs u ekonomisti tan-NU argumentaw li stima konservattiva għall-fondi meħtieġa mill-pajjiżi żviluppati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw tammonta għal somma fir-reġjun ta’ USD 150 biljun fis-sena (jew madwar EUR 110-il biljun), waqt il-perjodu ta’ impenn 2013 – 2017.

1.7.   Fir-rigward tal-qligħ mis-suq tal-karbonju, il-Kummissjoni tassumi li l-profitti kbar li qed jagħmlu l-operaturi ta’ dan is-settur ser jinqabdu kompletament mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mbagħad jintefqu f’attivitajiet b’użu baxx tal-karbonju. Fil-prattika, aktar hemm ċans li dawn il-profitti jispiċċaw fil-bwiet ta’ kumpaniji privati, ħafna minnhom minn pajjiżi żviluppati.

1.8.   Il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-viżjoni tal-UE fuq l-investiment domestiku privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li l-Unjoni Ewropea għadha ma sabitx il-mezz biex tiżgura li l-Istati Membri ser jużaw id-dħul mis-sistema tagħha ta’ skambju tal-emissjonijiet għall-investiment fl-enerġija nadifa.

1.9.   Il-Kummissjoni għandha tressaq pjan rivedut u vijabbli biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha ta’ tmexxija fil-politika internazzjonali dwar il-klima. L-UE għandha wkoll tkompli tagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti u oħrajn biex jgħidu x’inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar il-finanzjament għall-klima.

1.10.   Il-wegħda ta’ żidiet fir-riżorsi finanzjarji, kemm jekk huma internazzjonali kif ukoll domestiċi, għandhom ikunu suġġetti għal dispożizzjonijiet “li jistgħu jitkejlu, jiġu rrappurtati u verifikati”.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Fl-10 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-komunikazzjoni “Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen”.

2.2.   Dan id-dokument qed jipprova jwitti l-intoppi attwali fin-negozjati peress li l-pajjiż żviluppati qed jistennew li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda li huma aktar avvanzati jikkontribwixxu lejn l-isforz globali, filwaqt li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jixtiequ li jkun hemm pożizzjoni ċara mill-pajjiżi żviluppati dwar il-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament.

2.3.   Madankollu, din il-proposta mhijiex suffiċjenti biex tiżgura ftehim effettiv f’Kopenħagen. Għandna bżonn tnaqqis ambizzjuż mill-pajjiżi kollha żviluppati, miżuri adatti għall-mitigazzjoni mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u arkitettura globali effikaċi li tagħti l-inċentivi korretti biex jiġi stimulat l-ivestiment f’ekonomija b’użu baxx tal-karbonju.

2.4.   Huwa probabbli li sal-2020 il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ser ikollhom spejjeż annwali ta’ madwar EUR 100 biljun biex itaffu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Il-parti l-kbira tal-finanzi meħtieġa għandhom jiġu minn sorsi domestiċi u mill-espansjoni tas-suq internazzjonali tal-karbonju, iżda ser ikun meħtieġ finanzjament pubbliku internazzjonali ta’ madwar EUR 22-50 biljun fis-sena.

2.5.   Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li n-nazzjonijiet industrijalizzati u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma ekonomikament aktar avvanzati għandhom jipprovdu dan il-finanzjament pubbliku skont kemm huma responsabbi għall-emissjonijiet u kemm jistgħu jħallsu. Dan jista’ jfisser kontribut mill-UE ta’ madwar EUR 2–15-il biljun fis-sena sal-2020.

3.   Dokument tal-Kummissjoni

3.1.   Il-Kummissjoni tistma li r-rekwiżiti finanzjarji għall-adattament u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jilħqu madwar EUR 100 biljun fis-sena sal-2020. Il-finanzjament domestiku (pubbliku u privat) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, is-suq globali tal-karbonju u l-flussi finanzjarji pubbliċi internazzjonali komplementari kollha għandhom jagħtu sehemhom biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti. Il-finanzjament domestiku privat u pubbliku jista’ jiġġenera bejn 20 u 40 %, is-suq tal-karbonju sa madwar 40 %, u l-finanzjament pubbliku internazzjonali jista’ jikkontribwixxi biex ikopri l-kumplament.

3.2.   Is-suq internazzjonali tal-karbonju jista’ jiġġenera sa EUR 38 biljun fis-sena fl-2020. Il-ftehim ta’ Kopenħagen jeħtieġ li jistabbilixxi mekkaniżmu settorjali tal-ikkreditar ġdid għas-suq tal-karbonju, filwaqt li jiffoka l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati.

3.3.   Finanzjament pubbliku internazzjonali li jvarja bejn EUR 22 u 50 biljun fis-sena għandu jkun disponibbli fl-2020. Mill-2013 ’l quddiem, il-kontribuzzjonijiet tal-finanzjament pubbliku għandhom jitqassmu skont kemm wieħed jista’ jħallas u r-responsabbiltà għall-emissjonijiet u jinkludu pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ekonomikament aktar avvanzati. Fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, is-sehem tal-UE għandu jkun minn madwar 10 % sa madwar 30 % skont il-piż li jingħata lil dawn iż-żewġ kriterji. Fil-każ ta’ riżultat ambizzjuż f’Kopenħagen, il-kontribuzzjoni ġusta tal-UE għalhekk tista’ tkun bejn EUR 2 biljun u EUR 15-il biljun fis-sena fl-2020 skont id-daqs ġenerali tal-finanzjament globali miftiehem u l-piż mogħti lil kull kriterju ta’ distribuzzjoni.

3.4.   L-appoġġ għall-adattament għandu jagħti prijorità lill-iktar pajjiżi vulnerabbli u foqra li qed jiżviluppaw.

3.5.   L-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu jistgħu jipprovdu sors importanti ta’ finanzjament innovattiv.

3.6.   It-tmexxija tal-arkitettura internazzjonali tal-finanzjament tal-futur għandha tkun deċentralizzata u minn isfel għal fuq (bottom-up). Forum ġdid ta’ Livell Għoli dwar il-Finanzjament Internazzjonali għall-Klima għandu josserva u janalizza n-nuqqasijiet u l-iżbilanċi fil-finanzjament tal-mitigazzjoni u l-azzjonijiet tal-adattament.

3.7.   Il-pajjiżi kollha, minbarra l-pajjiżi l-inqas żviluppati, sal-2011 għandhom jippreparaw pjanijiet ta’ tkabbir b’użu baxx tal-karbonju, inklużi għanijiet kredibbli fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul u jippreparaw inventarji annwali tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

3.8.   Bejn l-2010 u l-2012, x’aktarx li se jkun meħtieġ finanzjament b’bidu mgħaġġel għall-adattament, il-mitigazzjoni, ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jvarja minn EUR 5 sa 7 biljun fis-sena. Għal dan il-għan, mill-2010 l-UE għandha tikkunsidra li tagħti kontribuzzjoni immedjata li tvarja minn EUR 0.5 sa 2,1 biljun fis-sena. Kemm il-baġit tal-UE kif ukoll il-baġits nazzjonali għandhom ikunu lesti li jikkontribwixxu għal dan il-finanzjament;

3.9.   Għall-perjodu ta’ wara l-2012, u bħala parti mill-pakkett ta’ proposti għall-qafas finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għal offerta waħda globali tal-UE; għandha tistabbilixxi wkoll jekk mill-2013 ’l quddiem din l-offerta hux ser tiġi ffinanzjata mill-baġit, jew jekk hijiex se tistabbilixxi Fond għall-Klima separat, bħala parti mill-pakkett ta’ proposti għall-qafas finanzjarju ta’ wara l-2013, jew taħlita tat-tnejn. Kontribuzzjonijiet diretti mill-Istati Membri individwali jistgħu jiffurmaw ukoll sors importanti tal-finanzjament tal-UE bħala parti mill-isforz ġenerali tal-UE.

3.10.   Jekk il-baġit tal-UE ma jintużax, il-qsim tal-kontribuzzjonijiet fl-UE għandu jsegwi l-istess prinċipji ta’ kontribuzzjoni bħal dak tal-livell internazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċjali tal-Istati Membri.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-KESE jilqa’ l-kumunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed tipprova twitti l-intoppi attwali fin-negozjati internazzjonali għal ftehim ġdid dwar il-klima f’Kopenħagen billi tippreżenta pjan dwar il-finanzjament għall-klima u tenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal miri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet li jkunu ambizzjużi ħafna.

4.2.   Il-G77 (il-grupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw) għamilha ċara li d-dispożizzjoni ta’ livelli suffiċjenti ta’ finanjament għall-klima hija l-kwistjoni ċentrali għall-membri tiegħu fil-kuntest ta’ ftehim tan-NU dwar il-klima. Hemm qbil mifrux li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw (u l-aktar membri foqra ta’ dawn is-soċjetajiet) ser ikunu l-ewwel li jintlaqtu bl-aktar mod iebes mit-tibdil fil-kondizzjonijiet klimatiċi.

4.3.   Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ukoll għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, kif ġie rikonoxxut mill-UE fil-Konvenzjoni dwar il-Klima tan-NU. Huwa probabbli li ser ikollhom spejjeż ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena fid-deċennji li ġejjin.

4.4.   Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass billi analizzat is-sorsi differenti possibbli għall-fondi u billi uriet ix-xewqa li tinkoraġġixxi l-analiżi ta’ kull sors, kemm biex jiġu identifikati r-riżorsi kif ukoll fir-rigward ta’ kif jistgħu jiġu allokati u użati. Madankollu, ħafna NGOs u ekonomisti tan-NU argumentaw b’mod koerenti li stima konservattiva għall-fondi meħtieġa mill-pajjiżi żviluppati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw tammonta għal somma fir-reġjun ta’ USD150 biljun fis-sena (jew madwar EUR 110-il biljun).

4.5.   Hemm bżonn li l-mekkaniżmu ġdid ta’ flessibbiltà (SCM) jiġi eżaminat b’aktar reqqa ħalli l-implimentazzjoni tiegħu tiġi żgurata b’mod prattiku u biex ir-riskji ta’ falliment jiġu minimizzati. Trid tingħata attenzjoni lill-kriterju tal-addizzjonalità fil-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif u l-mekkaniżmi settorjali tas-suq tal-karbonju l-ġodda (SCM).

4.6.   Il-finanzjament għall-klima kollu għandu jkun ġdid u addizzjonali għall-impenji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) tal-pajjiżi żviluppati, jiġifieri 0,7 % tal-PDG, peress li t-tibdil fil-klima ser jimponi spejjeż żejda sostanzjali lil hinn minn dawk li għalihom saru l-impenji fil-bidu meta tfasslu l-miri. Irridu nqisu li kienu biss ftit il-pajjiżi li żammew il-wegħda tagħhom li jżidu l-ODA għal 0,7 % tal-PDG. Ix-xejriet tul dawn l-aħħar deċennji jissuġġerixxu li l-prospetti li din il-wegħda titwettaq huma ftit.

4.7.   Aktar minn qabel, l-UE għandha żżomm il-miżuri tagħha u l-pożizzjoni tagħha ta’ tmexxija fil-politika internazzjonali dwar il-klima waqt in-negozjati għal ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen. Il-kriżi finanzjarja bla preċedent mhijiex ser ittawwal ħafna u eventwalment ser tgħaddi. It-tibdil fil-klima ser jibqa’ magħna.

4.8.   Ir-rilanċ ekonomiku jiddependi mill-fatt li t-tibdil fil-klima jiġi trattat. Jekk il-mexxejja ma jiħdux il-miżuri urġenti meħtieġa din is-sena, l-impatt tat-tibdil fil-klima x’aktarx ser jiswa ’l fuq minn 20 % tal-PDG globali. Skont Lord Stern, li qabel kien ekonomista kap fi ħdan il-Bank Dinji, dan huwa aktar mill-kriżi finanzjarja u ekonomika tat-tletinijiet u ż-żewġ Gwerer Dinjija flimkien, barra mill-imwiet umani u l-qerda tal-ispeċi.

4.9.   L-UE għandha wkoll tkompli tagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti u oħrajn biex jgħidu x’inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar il-finanzjament għall-klima. Il-wegħda ta’ żidiet fir-riżorsi finanzjarji internazzjonali jew domestiċi, għandhom ikunu suġġetti għal dispożizzjonijiet “li jistgħu jitkejlu, jiġu rrappurtati u verifikati”.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Ġenerazzjoni ta’ flussi finanzjarji adegwati

5.1.1.   Mobilizzazzjoni tal-finanzjament domestiku

5.1.1.1.   Il-finanzjament domestiku privat ser ikun parti kbira mill-investimenti meħtieġa, mhux biss fil-pajjiżi żviluppati imma wkoll f’dawk li qed jiżviluppaw; parti kbira minn dawn l-investimenti diġà hija vijabbli kummerċjalment – peress li l-investiment addizzjonali jiġi kumpensat mit-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija.

5.1.1.2.   L-ifqar pajjiżi, b’mod partikolari l-pajjiżi l-inqas żviluppati, flimkien mal-ifqar partijiet tal-popolazzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhux se jkollhom biżżejjed mezzi biex jinvestu fl-adattament biex ikampaw mal-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima. Huma se jiddependu ħafna mill-assistenza pubblika, kemm domestika kif ukoll internazzjonali.

5.1.2.   Użu sħiħ tas-suq tal-karbonju

5.1.2.1.   Il-KESE jaqbel li s-suq internazzjonali tal-karbonju huwa għodda biex tappoġġja l-attivitajiet ta’ investiment mis-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; minkejja l-fatt li s-suq għadu mhux matur u hemm għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-kwalità tal-bilanċ; l-effettività tas-suq tal-karbonju jiżdied billi jkun hemm provvediment għal nuqqas ta’ kwoti tal-emissjonijiet permezz ta’ ftehim ambizzjuż f’Kopenħagen.

5.1.2.2.   L-iffinanzjar marbut mas-suq fil-forma ta’ rkantar ta’ perċentwali mill-kwoti nazzjonali tal-emissjonijiet (Unitajiet tal-Ammonti Assenjati - AAU) fir-reġim internazzjonali (mhux ETS tal-UE f’dal-każ) jew ix-xiri tagħhom bi prezz fiss għandu jkun il-mezz ewlieni biex jinġabru l-fondi għall-UNFCCC il-ġdid. Dan jista’ jiġi kumplementat, per eżempju, permezz ta’ taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar, jew permezz tal-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet lil dawn is-setturi fi skemi reġjonali jew nazzjonali (per eżempju l-ETS tal-UE), kif ukoll ta’ taxxi fuq it-tranżazzjonijiet fis-suq tal-karbonju.

5.1.2.3.   Irridu niftakru li s-suq tal-karbonju huwa suq ta’ derivattivi li jippermetti l-ispekulazzjoni fuq il-prezz mistenn (fil-futur) tat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn investituri kbar. Dan is-suq diġà qed juri sinjali ta’ dgħjufija u jista’ jkompli jiddestabilizza s-suq finanzjarju internazzjonali. F’Bangkok, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw argumentaw li d-dipendenza mill-mekkaniżmi tas-suq iżżid il-vulnerabbiltà tal-pajjiżi fin-Nofsinhar li diġà qed ibatu minħabba l-kriżi tal-ikel, dik finanzjarja u dik tal-klima.

5.1.2.4.   Hemm bżonn li jiġu provduti proċeduri ta’ validazzjoni/verifika li jippermettu proċessi aktar mgħaġġla kemm fil-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif kif ukoll fil-mekkaniżmi settorjali tas-suq tal-karbonju l-ġodda.

5.1.2.5.   Hemm bżonn li jiġu investiti aktar flus fil-bini tal-kapaċità u t-taħriġ tal-esperti fl-oqsma kollha tas-suq tal-karbonju, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw.

5.1.2.6.   Biex il-mekkaniżmi settorjali tas-suq tal-karbonju jkunu jistgħu jiġu applikati, irid ikun hemm definizzjoni trasparenti tal-kunċett “pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma ekonomikament aktar avvanzati”; Il-KESE huwa favur dawn il-mekkaniżmi għal setturi ekonomiċi li huma kompetittivi ħafna, iżda jwissi wkoll li r-riskju ta’ falliment huwa għoli ħafna jekk it-tfassil tal-mekkaniżmu ma jkunx kemm jista’ jkun robust.

5.1.3.   Stabbiliment tal-iskala tal-finanzjament pubbliku internazzjonali

5.1.3.1.   Il-KESE jaqbel mal-istqarrija li “Inqas ma jkun ir-rendiment tas-suq tal-karbonju, iktar ma tkun għolja d-domanda għall-finanzjament pubbliku għall-mitigazzjoni.”

5.1.3.2.   Hemm bżonn li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex il-ħtiġijiet għall-finanzjament pubbliku jiġu kkunsidrati mill-ġdid regolarment, iżda l-Kummissjoni trid tkun konxja mir-riskju li ddaħħal distorsjonijiet fis-suq tal-karbonju permezz tal-finanzjament pubbliku jekk il-fondi ma jkunux diretti lejn setturi li għalihom is-suq tal-karbonju m’għandux aċċess/interess/inizjattiva (jiġifieri l-bini tal-kapaċità, it-taħriġ).

5.1.4.   Finanzjament pubbliku internazzjonali b’bidu mgħaġġel għall-2010-2012

5.1.4.1.   Il-KESE jaqbel li l-finanzjament pubbliku internazzjonali b’bidu mgħaġġel huwa importanti fil-kuntest ta’ ftehim komprensiv, bilanċjat u ambizzjuż f’Kopenħagen. Dan għandu jimmira lejn il-bini tal-kapaċità b’mod partikolari, fosthom it-tfassil ta’ pjanijiet għal tkabbir b’użu baxx tal-karbonju, prontezza għall-mitigazzjoni, proġetti pilota u preokkupazzjonijiet immedjati dwar l-adattament. L-iskop ta’ dan l-appoġġ b’bidu mgħaġġel għandu jkun li jkun hemm preparazzjoni għal miżuri effettivi u effiċjenti għal żmien medju u twil u biex jiġi evitat kull dewmien f’miżuri ambizzjużi.

5.1.5.   Finanzjament innovattiv mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu

5.1.5.1.   L-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u t-tbaħħir huma kbar u qed jikbru pjuttost malajr. Dawn iridu jiġu regolati jekk il-konċentrazzjonijiet atmosferiċi tal-gassijiet b’effett ta’ serra jridu jiġu stabbilizzati. Ir-regolazzjoni f’dan il-qasam tista’ tiġġenera riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-ftehim dwar il-klima. Dawn l-ispejjeż fil-parti kbira tagħhom ħa jinħarġu minn vjaġġaturi bl-ajru u konsumaturi fil-pajjiżi żviluppati. Madankollu, dan ikun jeħtieġ azzjoni kooperattiva mill-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li fid-deċennji li għaddew xekklu l-isforzi biex dawn l-emissjonijiet jiġu trattati.

5.1.6.   Stabbiliment tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament pubbliku internazzjonali

5.1.6.1.   Il-KESE jaqbel li “Jekk l-emissjonijiet jingħataw iktar piż meta mqabbla mal-PGD, jiġi pprovdut inċentiv addizzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u tiġi kkonfermata azzjoni bikrija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.” Madankollu jrid jiġi promoss mekkaniżmu ta’ bilanċ korrett sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim f’Kopenħagen.

5.2.   Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-finanzjament għat-tibdil fil-klima

5.2.1.   Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li fin-negozjati taġixxi bħala korp wieħed li jagħmel offerta unika globali.

5.2.2.   Rigward l-allokazzjoni tal-fondi, il-KESE jirrakkomanda l-użu ta’ strutturi li diġà jeżistu, iżda li jinħolqu proċeduri ċari ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ sabiex l-ispejjeż jiġu minimizzati u jkun żgurat li l-flus jintefqu sew.

5.3.   Pjan Ewropew għal governanza deċentralizzata u minn isfel għal fuq b’rabta mal-finanzjament għall-klima

5.3.1.   L-istruttura ta’ governanza tal-UE tista’ tintuża bħala mudell u dan jista’ jwassal għal vantaġġi sinifikanti għall-UE fir-rigward tal-miżuri addizzjonali li jiġu adottati fil-futur.

5.3.2.   Rigward l-iskadenza għal pjanijiet ta’ tkabbir b’użu baxx tal-karbonju għan-nazzjonijiet kollha (2011), il-KESE jqis li mhijiex realistika jekk l-UE trid tara pjanijiet sodi u applikabbli, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ esperti anke f’ċerti Stati Membri tal-UE.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/131


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE”

COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD)

u

“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini”

COM(2009) 10 finali

(2010/C 128/25)

Relatur: Is-Sur IOZIA

Nhar is-27 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE

COM(2009) 11 finali – 2009/0005 (COD).

Nhar il-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini

COM(2009) 10 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Iozia.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’159 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita Żona Ewropea tat-Trasport Marittimu u l-proposta għal Direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE.

1.2.   Il-programm ta’ ħidma li ġie propost huwa ambizzjuż u strutturat tajjeb, bi pjan ta’ azzjoni koerenti li jista’ jikseb l-objettivi proposti. It-tnaqqis u r-razzjonalizzazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi, li se jiġu definiti b’mod li ma jaffettwawx il-livelli attwali ta’ sigurtà u l-kwalità tal-kontrolli neċessarji, huma kruċjali għat-titjib tat-traffiku intern u estern fil-portijiet.

1.3.   It-titjib tal-attività fil-portijiet jista’ jwassal għal razzjonalizzazzjoni tat-trasport tal-oġetti, mit-trasport bit-triq għat-trasport marittimu, u b’hekk tissaħħaħ l-intermodalità bejn il-baħar, il-ferrovija, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-toroq, kif ġie ddikjarat fil-White Paper dwar it-trasport u enfasizzat fir-Reviżjoni ta’ nofs it-term.

1.4.   Jeħtieġ li ċerti proposti speċifiki fil-Komunikazzjoni jiġu kkunsidrati aktar mill-qrib u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf forums għall-partijiet interessati kollha dwar dawn il-kwistjonijiet: iċ-ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ, il-formalitajiet fir-rigward tas-semplifikazzjoni tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi, it-trasport tal-prodotti tal-annimali u l-pjanti u l-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet fil-portijiet (one stop shop).

1.5.   Il-KESE esprima l-opinjoni tiegħu dwar is-servizzi ta’ pilotaġġ fil-portijiet f’bosta okkażjonijiet (1), u din għadha valida sal-lum.

1.6.   Fil-Komunikazzjoni dwar l-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, il-Kummissjoni stess enfasizzat li “n-numru dejjem jonqos ta’ professjonisti marittimi, uffiċjali u skali oħra qed joħloq ir-riskju tat-telf tal-massa kritika tar-riżorsi umani li jsostnu l-kompetittività tal-industriji marittimi Ewropej b’mod ġenerali”.

1.7.   Il-proposta għal ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ tista’ tnaqqas iktar din l-attività u tagħmel dan ix-xogħol anqas attraenti maż-żgħażagħ. Iridu jsiru studji jew analiżi affidabbli li juru l-potenzjal ta’ effetti pożittivi filwaqt li l-effetti negattivi fuq l-impjieg u s-sigurtà jidhru ċari. Bħala alternattiva, għandha titqies l-estensjoni tat-telepilotaġġ (tele-pilotage) bl-użu ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi, biex b’hekk jiġu ffrankati flus u ħin waqt li jiġu ggarantiti standards għoljin ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ kolliżjoni jew kwalunkwe tip ieħor ta’ avveniment marittimu li jista’ jikkawża ħsara materjali jew telf ta’ ħajja, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma awtorizzati jirrifjutaw rimborsi kuntrattwali għall-ħsara jekk il-liċenzji marittimi ta’ dawk responsabbli għall-bastimenti – il-kaptan u l-inġinier prinċipali – ma jkunux validi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi diskussjoni mal-partijiet interessati kollha (is-sidien tal-bastimenti, il-piloti, l-organizzazzjonijiet settorjali u l-awtoritajiet tal-portijiet) biex jevalwaw l-impatt reali ta’ din il-proposta fuq is-sigurtà u l-impjieg.

1.8.   Il-KESE jappoġġja l-proġett għal żona marittima Ewropea mingħajr konfini (2), li jagħmel parti integrali tal-programmi għat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra: huwa essenzjali li tiġi definita b’suċċess bażi legali Komunitarja, sabiex il-bastimenti li jkunu qed iġorru oġġetti Komunitarji bejn żewġ portijiet tal-UE (pereżempju Lisbona u Napli) ikunu jistgħu jiġu trattati bl-istess mod bħal mezzi oħra ta’ trasport.

1.9.   Il-KESE kien jippreferi kieku din il-possibbiltà ġiet inkluża fil-Kodiċi Doganali Komintarju l-ġdid. Filwaqt li jinnota li l-Kummissjoni mhijiex beħsiebha ssegwi din il-proposta, il-KESE jitlob sabiex tal-anqas tiġi inkluża fost ir-regoli ta’ implimentazzjoni futuri tal-Kodiċi, qabel tmiem l-2009, sabiex tiġi applikata mill-iktar fis possibbli.

1.10.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva li tiġi introdotta “tieqa unika” għal kull tip ta’ prattika u miżuri oħra ta’ razzjonalizzazzjoni, bħall-ippjanar ta’ żjarat ta’ spezzjoni mill-bosta awtoritajiet tal-port u dawk doganali: ser ikun possibbli li d-dokumenti amministrattivi jintbagħtu elettronikament, mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-awtoritajiet doganali biex jiġġieldu l-kriminalità.

1.11.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-kwistjonijiet relatati mal-possibbiltà li jingħataw l-istess privileġġi lill-bastimenti li jwettqu operazzjonijiet bejn żewġ portijiet tal-UE u li jidħlu f’port li mhuwiex fl-UE. Skont l-assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti dan jaffettwa għadd kbir ta’ bastimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ żona marittima interna mingħajr konfini.

1.12.   Jekk l-Ingliż ikun il-lingwa ewlenija tat-trasport marittimu, bħal fil-każ tat-trasport tal-ajru, niffaċilitaw ħafna l-formalitajiet u l-prattiki amministrattivi.

2.   Il-Komunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni

2.1.   Il-moviment ħieles tal-bnedmin u tal-oġġetti għandu jiġi ggarantit b’mod ugwali għall-mezzi kollha tat-trasport. Il-vantaġġi ta’ suq uniku għandhom jiġu implimentati billi jittieħdu passi biex jiġi ffaċilitat dan l-objettiv. It-trasport marittimu bħalissa ma jgawdix mill-istess privileġġi tat-trasport bit-triq. Il-kwantità ta’ formalitajiet, il-piżijiet amministrattivi u l-ispezzjonijiet ma jħeġġux l-użu tat-trasport marittimu għall-ġarr ta’ oġġetti fl-Unjoni Ewropea.

2.2.   Id-dokument tal-Kummissjoni jindirizza l-kwistjoni tal-proċeduri fit-trasport marittimu: anke meta jkunu qed jinġarru “oġġetti Komunitarji” bejn żewġ portijiet tal-UE, dan il-moviment huwa soġġett għal regoli doganali u tat-trasport speċifiċi, regolamenti veterinarji u għall-protezzjoni tal-pjanti u formalitajiet oħra.

2.3.   Għandna nżommu f’moħħna li l-Kunsill ħeġġeġ l-użu tat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra fl-2006 u reġa tenna din it-talba fl-2007. Il-Komunikazzjoni tirreferi wkoll għall-opinjoni li l-KESE ppubblika lejn l-aħħar tal-2006 li talbet għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni għat-trasport marittimu.

2.4.   Fl-analiżi ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport, il-Kummissjoni ħabbret il-ħolqien ta’ żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini. Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fil-Komunikazzjoni “Blue Book” dwar politika marittima integrata. Din taqbel mal-istrateġija ta’ semplifikazzjoni leġiżlattiva u mal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar.

2.5.   It-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra (Short Sea Shipping – SSS) jista’ jwassal għal titjib fil-kwalità tas-servizzi, il-bastimenti jniġġsu anqas għal kull tunnellata li tiġi trasportata, ikollhom inqas spejjeż esterni u jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku.

2.6.   Użu aktar frekwenti tat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra jista’ jgħin lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha tas-CO2 ta’ wara Kjoto.

2.7.   Is-Servizzi tat-Traffiku tal-Bastimenti / is-Sistemi ta’ Ġestjoni u Informazzjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti (VTS/VTMIS) li jużaw l-informazzjoni mis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS), flimkien mal-Identifikazzjoni u l-Ittraċċar tal-Bastimenti minn Distanza Twila (LRIT) jagħmlu parti integrali mill-futur tal-ambjent marittimu elettroniku għat-trasport tal-oġġetti u n-navigazzjoni. Fil-futur, l-użu ta’ din it-teknoloġija, flimkien ma’ sistema integrata ta’ monitoraġġ u sorveljanza ser itejbu s-sorveljanza tat-traffiku marittimu.

2.8.   Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fih 11-il miżura; tliet proġetti fuq perijodu qasir, erbgħa fuq perijodu medju u erba’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.

2.9.   Fost l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu sal-aħħar tal-2009 (fuq perijodu qasir), hawn dawn il-proġetti:

is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-bastimenti li jbaħħru biss bejn il-portijiet tal-UE;

linji gwida biex jtħaffu l-kontrolli tad-dokumentazzjoni relatati mal-prodotti tal-annimali u l-pjanti li jinġarru bejn il-portijiet tal-UE;

Direttiva dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ dokumenti mitluba minn korpi leġiżlattivi differenti.

2.10.   Miżuri fuq perijodu medju li għandhom jitressqu fl-2010:

is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi għall-bastimenti li jbaħħru bejn il-portijiet tal-UE, imma li jidħlu f’pajjiżi terzi jew f’żona ħielsa;

it-trażmissjoni elettronika tad-dejta mtejba;

it-“tieqa unika” amministrattiva;

is-semplifikazzjoni ta-regoli dwar il-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi.

2.11.   L-erba’ miżuri fuq il-perijodu fit-tul f’forma ta’ rakkomandazzjonijiet huma:

il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet amministrattivi bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ bidla;

l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni amministrattiva:

il-ħruġ ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ (PEC);

ir-razzjonalizzazzjoni tal-fluss u l-ispazju fil-portijiet.

3.   Kummenti

3.1.   Il-KESE jilqa’ b’mod ġenerali l-abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni propost mill-Kummissjoni, soġġett għal kritika speċifika ddettaljata f’din l-opinjoni. Il-KESE diġà eżamina l-idea li tinħoloq żona tat-trasport marittimu mingħajr konfini u jixtieq itenni l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva.

3.2.   Madankollu, il-pjan huwa milqut mid-diffikultajiet fi ħdan l-Istati Membri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ sensiela ta’ regoli komprensivi u ċari dwar it-tkomplija tas-suq intern. L-akbar ostakli huma l-proċeduri doganali mhux meħtieġa, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-ispezzjonijiet u l-kontrolli mill-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti, u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ sistemi interoperabbli.

3.3.   Is-semplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-bastimenti li jbaħħru esklużivament bejn il-portijiet tal-UE hija essenzjali għall-ħolqien ta’ żona marittima Ewropea mingħajr konfini. Il-proposta li jiġi emendat il-Kodiċi Doganali Komintarju setgħet issolvi l-problemi, iżda peress li dan il-Kodiċi għadu kif ġie emendat reċentement, ġie propost li l-bażi legali taż-żona marittima interna tiġi inkluża fid-dokument tekniku dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi l-ġdid. F’dan id-dokument, għandu jiġi speċifikat li, għall-finijiet tal-moviment ħieles tal-oġġetti Komunitarji biss, iż-żona marittima interna ser tinkludi l-oġġetti Komunitarji fuq il-bastimenti li jivvjaġġaw bejn żewġ portijiet tal-UE.

3.4.   Ħafna mill-azzjonijiet proposti fil-prattika huma limitati li jħeġġu lill-Istati Membri jadottaw miżuri attivi biex itejbu u jissemplifikaw il-qafas amministrattiv, filwaqt li hemm bżonn ta’ inizjattivi aktar stretti u vinkolanti.

3.5.   Jidher li fid-dokument propost mill-Kummissjoni hemm enfasi kbira wisq fuq wieħed mit-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona: il-pilastru ekonomiku. Il-Kumitat iqis li dawn l-interessi għandhom ikunu bbilanċjati aħjar mal-aspetti kruċjali l-oħra – id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali.

3.6.   Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi bil-għan li jtejbu l-qafas leġiżlattiv u regolatorju li jiggverna s-suq uniku, sakemm dawn il-miżuri ma jkollhom l-ebda impatt fuq is-sigurtà taċ-ċittadini, tal-ħaddiema jew tal-ambjent u ma jkunux ta’ theddida għall-impjieg. Dan jidher li jista’ jkun ta’ riskju reali fil-każ ta’ ċerti miżuri bħal dik dwar iċ-ċertifikati għall-eżenzjoni tal-pilotaġġ.

3.7.   Permezz tat-trasport marittimu ammonti kbar ħafna ta’ oġġetti jistgħu jinġarru fi proporzjon favorabbli ta’ emissjonijiet tas-CO2 għal kull tunnellata/kilometru. Barra minn hekk, is-settur joffri opportunità konsiderevoli għal titjib billi jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda għall-magni, billi jintużaw karburanti aktar nodfa u jitnaqqsu l-veloċitajiet tan-navigazzjoni. Jekk innaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija fil-portijiet minħabba burokrażija mhux meħtieġa, il-moviment tal-bastimenti fil-portijiet jista’ jiżdied u dan jiġġenera effiċjenza u profitti, jgħin biex jinkisbu l-miri għal anqas emissjonijiet b’effett ta’ serra u jikkontribwixxi għal mobbiltà sigura u sostenibbli (3). It-trasport fiż-żona mingħajr konfini jkun iktar attraenti, u jitħeġġeġ mod tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

3.8.   Il-KESE diġà esprima l-appoġġ tiegħu għall-programm Marco Polo II li għandu l-għan li jnaqqas il-konġestjoni, itejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija u jippromovi t-trasport intermodali billi jippromovi bidla fit-tkabbir annwali mbassar mit-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq lejn l-SSS u t-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-pjan ta’ azzjoni huwa parti minn strateġija aktar wiesgħa li tinkludi l-implimentazzjoni tal-proġett tar-Rotot tal-Baħar. Ladarba s-sistema Ewropea għall-ippożizzjonar satellitari, Galileo, tibda topera, din l-istrateġija tiġi ssemplifikata aktar.

3.9.   Il-miżuri ta’ semplifikazzjoni amministrattiva li ġew proposti jsegwu l-prattika pożittiva tal-Unjoni, li issa ġiet ikkonsolidata, fir-rigward tal-verifikazzjoni tal-ħtieġa u l-effikaċja ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li m’għadhiex tintuża jew li jiġu skrutinizzati l-prattiki u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkontradixxu l-prinċipji tat-Trattat.

4.   Kummenti speċifiċi. Miżuri fuq perijodu qasir.

4.1.   Id-Direttiva

4.1.1.   Il-proposta għal Direttiva ċertament mhijiex waħda mill-miżuri l-aktar importanti stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni. Il-proposta għal direttiva tirrevoka d-Direttiva attwali Nru 2002/6/KE u tippermetti s-semplifikazzjoni tal-proċeduri permezz ta’ tliet innovazzjonijiet ewlenin: l-użu ta’ mudell Ewropew li diġà jeżisti minflok dak stipulat taħt il-Konvenzjoni FAL tal-IMO (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) tad-9 ta’ April 1965, li ġiet riveduta f’Lulju 2005, sabiex tiġi evitata dokumentazzjoni eċċessiva; l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ trażmissjoni u l-ħatra ta’ awtorità unika fejn id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti kollha meħtieġa għandhom jintbagħtu.

4.1.2.   Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta li bis-saħħa ta’ mezzi sempliċi tiffaċilita x-xogħol tal-kaptani u s-sidien tal-bastimenti. Jirrakkomanda li s-semplifikazzjoni m’għandux ikollha impatt negattiv fuq il-miżuri attwali tas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent, speċjalment fir-rigward tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija.

4.2.   Il-KESE jemmen li l-linji gwida indikati sabiex jitħaffu l-kontrolli dokumentarji relatati mat-trasport tal-prodotti tal-annimali u l-pjanti bejn portijiet tal-UE għandhom jiġu ċċarati. L-opinjoni pubblika madwar id-dinja hija allarmata bil-firxa tal-pandemiji bħall-influwenza avjarja u d-deni tal-ħnieżer u qed titlob għal miżuri ta’ sigurtà addizjonali. It-traċċabbiltà tal-oriġni tal-prodott hija kruċjali biex jiġu iżolati punti fokali: għaldaqstant għandu jiġi muri b’mod ċar li l-miżuri proposti bl-ebda mod mhuma ser idgħajfu r-regoli attwali.

5.   Kummenti speċifiċi. Miżuri fuq perijodu medju ta’ żmien.

5.1.   Sehem mit-trasport marittimu huwa magħmul minn bastimenti li jivvjaġġaw bejn żewġ portijiet jew iktar tal-UE, u jagħmlu waqfa f’pajjiżi terzi jew żona ħielsa. Il-KESE jqis li l-huwa meħtieġ li jiġu ssemplifikati l-obbligi amministrattivi għal dawn il-bastimenti. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji aerospazjali għall-identifikazzjoni u t-traċċar u t-titjib gradwali fis-sistemi elettroniċi li jidentifikaw l-oġġetti Komunitarji simultanjament jistgħu jiżguraw iċ-ċertezza tal-oriġini u jnaqqsu b’mod sinifikanti t-tul ta’ żmien u l-ispejjeż għall-bastimenti.

5.2.   It-trażmissjoni elettronika tad-data mtejba, jiġifieri s-sistemi marittimi elettroniċi, li huma inklużi fis-sistema ppjanata taħt il-Kodiċi Doganali Komunitarju l-ġdid li ser juża sistema doganali elettronika b’konformità mad-Deċiżjoni 70/2008 hija waħda mis-soluzzjonijiet li l-KESE jittama li ser ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini u tnaqqas il-burokrazija żejda u li tagħmel il-ħsara.

5.3.   It-tieqa unika amministrattiva hija wkoll mistennija. L-unika mistoqsija hija għala għadha ma ġietx introdotta. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta u jħeġġeġ l-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa malajr.

5.4.   Is-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi. Ir-regoli attwali jimponu firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti għall-merkanzija perikoluża li jużaw varjetà ta’ modi tat-trasport minflok mod wieħed biss. It-trasport marittimu dejjem iktar ta’ spiss qed jagħmel parti minn katina ta’ ħafna modi u qed jiġi ppenalizzat meta mqabbel ma’ soluzzjonijiet li jinvolvu mod wieħed bħat-trasport fuq it-triq, u dan qed jiskoraġġixxi l-użu tal-bastimenti. Filwaqt li jikkonforma bl-akbar reqqa mal-livelli speċifiċi ta’ sigurtà meħtieġa fit-trasport marittimu, il-KESE jemmen li jistgħu jiġu adottati għadd ta’ miżuri, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti Ro Ro (roll-on/roll-off) li jkunu qed iġorru vetturi li jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ġarr ta’ oġġetti perikolużi u l-Konvenzjoni tal-ADR dwar il-Ġarr Internazzjonali tat-30 ta’ Settembru 1957.

6.   Kummenti speċifiċi. Miżuri adottati sussegwentament fuq rakkomandazzjoni

6.1.   Il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet amministrattivi. L-istess approċċ li jintuża għat-tieqa unika amministrattiva, jista’ jintuża mill-awtoritajiet tal-port u dawk doganali u l-pulizija biex jikkoordinaw u jippjanaw spezzjonijiet konġunti li jistgħu jitwettqu fl-istess ħin jew eżattament wara xulxin. Dan inaqqas b’mod sostanzjali l-ħin tal-ħatt – dejjem meta nikkunsidraw il-fatt li f’xi Stati Membri l-ħatt jista’ jsir biss ladarba jkunu saru l-ispezzjonijiet kollha. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-proposta.

6.2.   L-iffaċilitar tal-komunikazzjoni amministrattiva. Din il-proposta tiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni ta’ natura sensittiva ħafna: l-użu ta’ lingwa komuni fit-trasport marittimu. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi l-użu ta’ lingwa komuni jew l-Ingliż. Minkejja li għandha riservi diplomatiċi tradizzjonali, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ din il-possibbiltà għal raġunijiet prattiċi. Din il-proposta hija raġonevoli u proporzjonata mal-għan tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma li, l-istess bħat-trasport bl-ajru, it-trasport marittimu għandu jadotta lingwa komuni mhux biss għal raġunijiet ekonomiċi iżda wkoll għal raġunijiet ta’ sigurtà. “Mayday” huwa l-messaġġ universali li jindika sitwazzjoni ta’ periklu. Normalment, l-Ingliż jintuża fuq kull stazzjoni radjofoniku internazzjonali. Sabiex jiġi faċilitat il-fehim, jistgħu jintużaw tradutturi elettroniċi biex jittraduċu f’lingwa xierqa il-formoli li għandhom jimtlew kulmeta l-bastiment jidħol f’port.

6.3.   Il-ħruġ ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ. Il-KESE jitlob biex issir riflessjoni profonda dwar din il-proposta peress li ma jqishiex la utli u lanqas proporzjonata. Il-piloti tal-port jaqdu funzjoni professjonali ħafna li hija marbuta mill-qrib mal-prattiki ta’ kuljum fil-portijiet ta’ pajjiżhom fejn, kif inhu magħruf, il-kundizzjonijiet tan-navigazzjoni jistgħu jinbidlu malajr ħafna minħabba kurrenti, marei, u l-kundizzjonijiet tat-temp u tat-traffiku. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda frankar ta’ ħin sinifikanti u l-ispejjeż jikkorespondu mal-miżuri ta’ sigurtà neċessarji. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-proposta u tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet tal-piloti dwar mezzi aħjar għat-titjib tas-servizz mingħajr ma tonqos is-sigurtà.

6.4.   Ir-razzjonalizzazzjoni tal-fluss u l-ispazju fil-portijiet. Il-KESE jqis li din hija miżura “kompetittiva” bejn il-bosta awtoritajiet tal-port u dawk marittimi. L-awtoritajiet tal-port għandhom iqisu bis-serjetà l-bżonn li jevitaw li jittrattaw b’mod inġust bastimenti żgħar jew ta’ daqs medju. Servizz aħjar jiġbed aktar traffiku u għaldaqstant iqis li kull awtorità għandha tippjana l-investiment meħtieġ u tagħmel il-port tagħha aktar effiċjenti. Minkejja kollox din ir-rakkomandazzjoni hija tajba!

6.5.   Fl-aħħar nett, il-KESE jħoss li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi implimentata aktar malajr u jitlob sabiex is-servizzi li ser jiġu inkarigati mill-implimnetazzjoni tal-programm għat-Trasport Marittimu fuq Distanzi Qosra – li bħalissa huma żgħar minkejja l-importanza tal-kwistjoni – jingħataw il-persunal addizzjonali li jinħtieġ.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 48, 21.2.2002, p. 122; ĠU C 294, 25.11.2005, p. 25; ĠU C 168, 20.7.2007, p. 50.

(2)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 45-48.

(3)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20-24 – relatur: is-Sinjura Bredima.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/136


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli: Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE u dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijomassa, COM(2005) 628”

COM(2009) 192 finali

(2010/C 128/26)

Relatur: Is-Sinjura ANDREI

Nhar l-24 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli: Rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77/KE, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE u dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijomassa, COM(2005) 628

COM(2009) 192 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, responsabbli biex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’97 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jikkunsidra li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta waħda mill-iktar theddidiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi sinifikanti li l-pjaneta qiegħda tiffaċċja, u huwa biss permezz ta’ miżuri rapidi u responsabbli min-naħa tal-pajjiżi kollha li l-effetti tiegħu jkunu jistgħu jittaffew. Minkejja dan, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jservu ta’ xprun għal politika dwar il-klima ambizzjuża. L-użu ta’ riżorsi rinnovabbli jista’ jirrappreżenta wieħed mill-għodod prinċipali li bih jistgħu jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra u li bih tista’ tiġi garantita l-indipendenza mill-enerġija u sigurtà għall-provvista tal-Ewropa.

1.2.   Il-Kumitat jinsab imħasseb minħabba li l-UE għandha probabbiltà dgħajfa li tilħaq il-miri tal-2010 stabbiliti mid-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri responsabbli u biex jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jiksbu l-miri miftiehma sal-2010.

1.3.   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija unika u għat-tul ta’ żmien għall-enerġija fl-UE. Barra minn hekk, is-suq tal-elettriku jeħtieġ qafas regolatorju stabbli u prevedibbli għal tul ta’ żmien.

1.4.   Is-settur tal-enerġija rinnovabbli se joffri bosta possibbiltajiet għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa u żvilupp reġjonali.

1.5.   Barra minn hekk, għandu jkun hemm disponibbli evalwazzjoni aħjar tal-pressjoni finanzjarja addizzjonali li hemm fuq il-baġit tal-familji.

1.6.   Il-bdiewa u l-SMEs jista’ jkollhom rwol prinċipali fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

1.7.   Il-Kumitat itenni li fis-settur tat-trasport, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tingħata l-ewwel prijorità, possibbilment segwita mill-użu tal-bijofjuwil, meta metodu ta’ produzzjoni bħal dan ikun sostenibbli.

1.8.   Sabiex jilħqu l-miri tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddiversifikaw it-teknoloġija billi jużaw magni ġodda fis-settur tat-trasport, jinvestu aktar fi fjuwils alternattivi bħall-bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, u jħeġġu u jappoġġjaw iktar ir-R&Ż.

1.9.   Għal valutazzjoni integrata dwar il-potenzjal tal-bijofjuwil, kif ukoll sabiex jiġi evitat l-użu ta’ art agrikola ta’ valur u żoni prezzjużi ta’ bijodiversità, il-KESE jipproponi li kull Stat Membru joħloq mappa tal-pajjiż li turi żoni ta’ art adegwati għall-għelejjel għall-enerġija, u jagħmilha disponibbli.

1.10.   Minħabba tħassib dwar il-pressjoni li se jkun hemm fuq l-esplojtazzjoni tal-foresti, il-KESE jirrakkomanda li għandhom jittieħdu passi u deċiżjonijiet importanti dwar il-bijomassa użata għall-produzzjoni tal-enerġija, u dan għandu jseħħ biss wara li tkun twaqqfet sistema adegwata ta’ monitoraġġ.

1.11.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra l-allokazzjoni ta’ finanzjament adegwat sabiex tissensibilizza lill-pubbliku u teduka liċ-ċittadini tal-UE dwar is-suġġett tal-enerġija. Għandu jkun disponibbli iktar finanzjament sabiex jiġi żgurat li jkunu disponibbli esperti fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

Għandhom isiru xi proposti u jiġu mtennija sabiex il-baġits għar-Riċerka u l-Iżvilupp għall-enerġija rinnovabbli jinżammu u jiżdiedu minkejja l-kriżi finanzjarja li qed taffettwa lill-Istati Membri u lill-UE; jekk dan ma jsirx, fi ftit żmien tista’ tintilef l-awtonomija kollha mill-enerġiji l-oħra.

1.12.   Għar-rapporti ta’ progress li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra wkoll il-għażla li t-trattament u r-riċiklaġġ ta’ tagħmir li juża l-enerġija rinnovabbli meta ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża iktar, jiġi monitorjat u rrappurtat.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Fl-24 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tagħha COM(2009)192 finali “Ir-Rapport dwar il-Progress tal-Enerġija Rinnovabbli”, flimkien ma’ dokument ta’ ħidma iktar dettaljat SEC(2009) 503 finali. “Il-Kummissjoni tfakkar il-qafas politiku Ewropew għall-enerġija rinnovabbli: l-importanza tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġu sodisfati t-tibdil fil-klima u l-objettivi għas-sostenibbiltà, it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħna u l-iżvilupp ta’ industrija għall-enerġija rinnovabbli innovattiva Ewropea li tiġġenera impjiegi u prosperità għall-Ewropa.”

2.2.   Skont id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, il-Kummissjoni stabbiliet il-miri għall-2010 għas-sehem tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli u għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli użat fis-settur tat-trasport. Dawn id-direttivi jirrikjedu li l-Istati Membri tal-UE jippreżentaw rapporti annwali, b’analiżi tal-progress imqabbel mal-miri nazzjonali indikattivi tagħhom, u li l-KE tirrevedi l-progress kull sentejn. Barra minn hekk, fl-2005 ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (1) sabiex tingħata attenzjoni lill-ħtieġa speċifika li l-Istati Membri jiżviluppaw ir-riżorsi tal-bijomassa Ewropej.

2.3.   L-Istati Membri kellhom il-libertà li jagħżlu l-mekkaniżmu ta’ appoġġ li jippreferu l-iktar sabiex jilħqu l-miri tagħhom.

2.4.   Dan l-aħħar rapport ta’ progress jinnota progress fqir fl-aħħar sentejn, b'żewġ Stati Membri biss jilħqu l-miri tagħhom. Huwa jikkonferma l-analiżi preċedenti li tindika li wisq probabbli l-UE ma tilħaqx il-miri għall-2010. L-UE tista’ tilħaq sehem ta’ 19 % fil-konsum tal-elettriku minn enerġija rinnovabbli, u mhux ta’ 21 %, u tista’ tilħaq sehem ta’ 4 % minflok ta’ 5,75 % minn riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport.

2.5.   Ir-rapport jesplora r-raġunijiet u jispjega li d-Direttiva l-ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) (2), li tfasslet bħala parti mill-pakkett dwar l-enerġija u l-klima, tindirizza t-tħassib kollu ssottolinjat fir-rapport u tipprovdi bażi solida għat-tneħħija tal-ostakli u għaż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli għall-10 snin li ġejjin.

3.   Dokumenti tal-Kummissjoni

3.1.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku

3.1.1.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar ir-rapporti ta’ progress, u tiffoka fuq data miġbura bejn l-2004 u l-2006 dwar l-elettriku u fl-2007 dwar il-bijofjuwil.

3.1.2.   Id-data turi sehem ta’ 15,7 % tal-konsum finali tal-elettriku fl-UE minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-2006, b'żieda mill-14.5 % tal-2004. Il-mira ta’ 21 % għall-2010 mhix se tintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali sinifikanti. Kienu biss żewġ pajjiżi, l-Ungerija u l-Ġermanja, li laħqu l-mira tagħhom għall-2010, sitt Stati Membri qorbu iktar lejn il-mira tagħhom għall-2010 meta mqabbla mal-medja tal-pajjiżi Ewropej, iżda s-sehem ta’ seba’ pajjiżi waqaf jew fil-verità dawn naqqsu sehemhom.

3.1.3.   Id-diversità tat-teknoloġiji użati kienet waħda limitata. L-akbar tkabbir sar fl-użu tal-bijomassa solida u tar-riħ.

3.1.4.   Ġew irreġistrati rati differenti ta’ progress minħabba li ntużaw 27 skema ta’ appoġġ differenti, li jikkonsistu f’għodod politiki differenti, li jinkludu: tariffi stabbiliti apposta għall-elettriku rinnovabbli (feed-in tariffs); sistemi ta’ primjums; ċertifikati ekoloġiċi (green certificates); eżenzjonijiet fiskali; obbligi imposti fuq il-fornituri tal-fjuwil; politika tal-akkwist pubbliku; u riċerka u żvilupp. L-inkonsistenza u l-kambjamenti mgħaġġlin fil-politiki u fil-baġit ifixklu l-iżvilupp ta’ proġetti għall-elettriku rinnovabbli.

3.1.5.   Il-problemi prinċipali għall-implimentazzjoni huma identifikati fil-qasam tal-ostakli amministrattivi u l-aċċess għan-netwerk (grid): kapaċità insuffiċjenti tan-netwerk, proċeduri li ma jkunux trasparenti għall-konnessjoni man-netwerk, spejjeż għoljin għall-konnessjoni u perjodi twal ta’ stennija sabiex jinħarġu l-permessi għall-konnessjoni man-netwerk. Ta’ spiss dawn l-ostakli prinċipali jkunu kkawżati minħabba limitazzjonijiet fir-riżorsi amministrattivi u oħrajn u mhux minħabba l-limitazzjonijiet teknoloġiċi.

3.1.6.   Barra minn hekk, f’xi wħud mill-Istati Membri, il-konnessjoni man-netwerk u spejjeż ta’ espansjoni u skemi ta’ ħlasijiet ta’ xi wħud mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni għadhom jiffavorixxu produtturi stabbiliti u jiddiskriminaw kontra dawk il-produtturi ġodda u iżgħar tal-enerġija rinnovabbli, li ta’ spiss huma deċentralizzati. Dan huwa ta’ xkiel għall-ħolqien ta’ impjiegi u għal tkabbir fil-livell lokali u reġjonali.

3.1.7.   L-iskema tal-garanzija tal-oriġini għadha ma ġietx implimentata totalment mill-Istati Membri kollha, minħabba problemi ta’ affidabbiltà, għadd doppju u r-riskju ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-istess enerġija lil żewġ gruppi differenti ta’ konsumaturi. Dan ma kienx ta’ ġid għas-suq tal-konsumaturi għall-elettriku rinnovabbli b’mod ġenerali.

3.2.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport

3.2.1.   Id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli għat-trasport (Direttiva 2003/30/KE) ħtieġet li l-Istati Membri jistabbilixxu miri għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli flok petrol u diżil fit-trasport fl-2005 u fl-2010, waqt li jieħdu bħala punt ta’ referenza tal-bidu l-valuri ta’ 2 % u 5,75 % rispettivament. Ir-rapport ta’ progress ta’ Jannar 2007 (3) wera li fl-2005, il-bijofjuwils kisbu sehem ta’ 1 % fl-UE, bil-Ġermanja u l-Isvezja biss jilħqu l-miri ta’ referenza.

3.2.2.   Skont rapporti tal-Istati Membri, fl-2007, 8,1 Mtoe (2,6 %) tat-total tal-fjuwil użat għat-trasport fl-UE kien mill-bijofjuwils. Fl-2007, il-bijodiżil ammonta għal 6,1 Mtoe jew 75 % mill-fjuwils rinnovabbli fit-trasport, li 26 % minnhom kienu importati. Il-bijoetanol ikkostitwixxa 1,24 Mtoe jew 15 % ta’ fjuwils rinnovabbli fit-trasport li 31 % minnu kien importat, u l-10 % li jifdal kien żejt veġetali pur ikkunsmat fil-Ġermanja, l-Irlanda u l-Olanda u bijogass fl-Isvezja.

3.2.3.   Il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, l-Isvezja u r-Renju Unit baqgħu l-aqwa ħames konsumaturi tal-bijofjuwils fl-2006 u fl-2007, b’konsum ta’ 87 % u 81 % tal-bijofjuwils totali tal-UE rispettivament. Ma kienx hemm konsum ieħor rapportat ta’ xi tipi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport. L-użu tal-idroġenu minn kwalunkwe sors jibqa’ mhux sinifikanti; ftit elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jintuża fit-trasport bit-triq.

3.2.4.   L-importazzjoni netta tal-bijoetanol żdiedet minn 171 Ktoe fl-2005 għal 397 Ktoe fl-2007 u s-sehem tal-produzzjoni domestika tal-bijodiżil ilu jonqos. Il-bilanċ tal-kummerċ tal-UE tal-bijodiżil inbidel minn pożittiv fl-2005 (355 Ktoe esportati) għal negattiv fl-2007 (1,8 Mtoe ta’ bijodiżil importat). Kawża ewlenija ta’ din il-bidla kien l-ester metil taż-żejt tas-sojja irħas mill-Istati Uniti u etanol prodott mill-kannamiela fil-Brażil u l-Arġentina.

3.2.5.   L-eżenzjoni mit-taxxa u l-obbligi tal-bijofjuwil kienu l-aktar żewġ strumenti komuni użati mill-Istati Membri għall-promozzjoni tal-bijofjuwils. Fl-2005-2006 l-Istati Membri kollha, għajr il-Finlandja, użaw eżenzjonijiet minn taxxa tas-sisa bħala miżura ewlenija ta’ appoġġ, filwaqt li l-obbligi tal-bijofjuwils intużaw biss minn 3 pajjiżi. Mill-2007, aktar minn nofs l-Istati Membri adottaw obbligi li jkunu prodotti fjuwils imħalltin b'ċertu bijofjuwil, f’bosta każijiet flimkien ma’ livelli parzjali iżda li jogħlew ta’ taxxa. Xi pajjiżi jużaw mekkaniżmu ta’ kwota u sejħa għal offerti.

3.2.6.   Barra minn hekk, xi Stati Membri jappoġġjaw il-bijofjuwils permezz ta’ miżuri speċifiċi. Dawn l-istrumenti ta’ politika jinkludu miżuri relatati mal-agrikoltura, bħal pereżempju l-produzzjoni tal-għalf, u mal-industrija fejn jitwettqu operazzjonijiet neċessarji sabiex jinkiseb il-prodott intermedju u lest; miżuri relatati mad-distribuzzjoni tal-bijofjuwils; ix-xiri u l-manutenzjoni ta’ karozzi u vetturi li jużaw il-bijofjuwils.

3.3.   Impatt ekonomiku u ambjentali

3.3.1.   Mil-lat ekonomiku, iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils ikkontribwixxiet għal sigurtà tal-provvista billi naqqset id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u ddiversifikat il-firxa tal-fjuwil fl-UE.

3.3.2.   Is-setturi tal-bijomassa u l-bijofjuwil ikkontribwixxew ukoll għall-ekonomija tal-UE billi ġġeneraw impjiegi addizzjonali. Fl-2005, l-użu tal-bijomassa barra n-netwerk ikkontribwixxa għal 600 000 impjieg, il-bijomassa tan-netwerk, u l-bijofjuwils għal aktar minn 100 000 impjegat u l-bijogass għal madwar 50 000. Barra minn hekk, l-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol importanti fil-forniment tal-fjuwil għat-teknoloġiji tal-bijomassa.

3.3.3.   L-iffrankar nett tal-gassijiet serra miksub mill-UE mil-bijofjuwils li tpoġġew fuq is-suq u ġew ikkunsmati fl-2006 u l-2007 ammonta għal 9,7 u 14,0 Mt ekwivalenti tad-CO2 rispettivament. Dan jimplika li l-konsum tal-bijofjuwil fl-UE ġie sostnut permezz tal-użu mill-ġdid ta' art agrikola abbandunata riċentement jew permezz ta' nuqqas fir-rata ta' art abbandunata fl-UE.

3.3.4.   L-introduzzjoni ta’ bijofjuwils tibqa’ tiswa iktar flus minn teknoloġiji oħra li jnaqqsu d-CO2 f’setturi oħra, iżda bit-teknoloġiji moderni, il-bijofjuwil xorta jibqa’ wieħed mis-soluzzjonijiet disponibbli sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tad-CO2 li dejjem jiżdiedu fis-settur tat-trasport.

3.4.   Proċedimenti ta’ ksur

3.4.1.   Sa mill-2004, il-Kummissjoni bdiet 61 proċediment kontra Stati Membri minħabba nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2001/77/KE dwar il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku. Minnhom, 16 għadhom ma ġewx riżolti. Abbażi tad-Direttiva 2003/30/KE dwar l-enerġija rinnovabbli għat-trasport, sa mill-2005 l-Kummissjoni bdiet 62 proċediment legali kontra Stati Membri, li ħafna minnhom kienu minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ rappurtar jew minħabba li ma jkunux stabbilixxew objettivi nazzjonali f’konformità mal-valuri ta’ referenza tad-Direttiva.

3.5.   Enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ

3.5.1.   Dan is-settur huwa responsabbli għal kważi 50 % tal-konsum finali tal-enerġija kollha u 60 % tal-konsum finali tal-enerġija rinnovabbli kollha. L-iktar li tiddomina hija l-bijomassa, iżda jinkludi wkoll l-enerġija solari termali u ġeotermali.

3.5.2.   Il-bijomassa tista’ tintuża għall-produzzjoni tat-tisħin u tal-elettriku, kif ukoll fil-forma ta’ “bijofjuwils” i.e. l-użu tal-bijomassa fit-trasport. Din hija r-raġuni li l-UE pproduċiet il-Pjan ta’ Azzjoni għal Bijomassa (BAP) fl-2005 bi 33 azzjoni, li enfasizza il-ħtieġa għal koordinazzjoni ta’ politika, u għaliex dan ir-rapport janalizza l-progress fis-settur tal-bijomassa.

3.5.3.   Il-problemi li jiffaċċja t-tkabbir tal-bijomassa, jinkludu ostakli amministrattivi u mhux tas-suq, bħall-ħtieġa għal definizzjoni iktar ċara u armonizzata ta’ termini u l-ostakli li jinqalgħu minħabba proċeduri twal u kumplikati legalment għall-ipproċessar ta’ permessi.

3.5.4.   Għad hemm bosta ostakli amministrattivi li jfixklu l-iżvilupp tal-impjanti għall-bijoenerġija fi ħdan l-Istati Membri. Il-Kummissjoni wettqet studju dwar kif se jiġu stabbiliti l-limiti għall-permessi għall-bijoenerġija, billi analizzat iż-żmien meħtieġ fl-UE u l-fatturi li jaffettwaw jekk permess jingħatax jew le.

4.   Osservazzjonijiet Ġenerali

4.1.   Il-KESE jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, billi jenfasizza l-ħtieġa kontinwa għal qafas leġiżlattiv ġdid u iktar b’saħħtu, li jinkludi monitoraġġ u rappurtar kontinwu. Xi wħud mill-ostakli identifikati diġà ġew ikkunsidrati meta kienu qed jiġu abbozzati d-direttiva l-ġdida dwar l-enerġija rinnovabbli u l-linji gwida għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali.

4.2.   Il-KESE jtenni li huwa jappoġġja kompletament l-użu tal-enerġija rinnovabbli u li huwa konxju li fil-futur medju u mbiegħed se jkun hemm il-ħtieġa ta’ sehem ikbar ta’ sorsi rinnovabbli, iktar mill-20 % previst għall-2020, jekk trid tintlaħaq il-mira ambizzjuża tal-Kunsill (tnaqqis ta’ 60-80 % fl-emissjonijiet tad-CO2 u awtosuffiċjenza ogħla fir-rigward tal-enerġija) (4).

4.3.   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija unika u għat-tul għall-enerġija fl-UE.

4.4.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità fir-rigward tal-espansjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, jeħtieġ li l-pubbliku jkun aktar konxju u li jkun hemm iktar edukazzjoni sabiex jinkiseb l-appoġġ tal-pubbliku. Din hija r-raġuni għaliex programmi nazzjonali jista’ jkollhom rwol importanti fl-appoġġ tal-iżviluppi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

4.5.   Is-settur tal-enerġija rinnovabbli joffri ħafna possibbiltajiet għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa. Il-“Low carbon jobs for Europe  (5)”, studju tad-WWF juri li tal-inqas 3,4 miljun impjieg Ewropew huma relatati direttament mal-enerġija rinnovabbli, mat-trasport sostenibbli u ma’ prodotti u servizzi li huma effiċjenti fl-enerġija.

4.6.   Il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’ spiss tiddependi fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju lokali jew reġjonali (SMEs) u fuq il-bdiewa. L-opportunitajiet għal tkabbir u impjiegi li jirriżultaw minn investimenti reġjonali u lokali tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom huma importanti. Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jittieħdu miżuri għal żvilupp reġjonali, iħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bejn inizjattivi ta’ żvilupp reġjonali lokali u reġjonali u jippromwovi l-użu ta’ fondi tal-UE f’dan il-qasam.

4.7.   Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni allokat riżorsi finanzjarji sostanzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-bijofjuwil tat-tieni ġenerazzjoni taħt il-FP6 u l-FP7 (6). Skont l-“Intelligent Energy Europe II Programme” ġew definiti wkoll prattiki tajbin sabiex tiġi promossa l-bijoenerġija fl-Istati Membri tal-UE. Bħalissa, l-UE għandha taqleb minn eżempji innovattivi għall-multiplikazzjoni tal-aħjar prattiki (7) bl-aktar mod effiċjenti.

4.8.   Huwa meħtieġ finanzjament għar-riċerka dwar magni ġodda u bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u fjuwils rinnovabbli oħra; huwa rakkomandat ukoll li jittieħdu miżuri sabiex jitjieb l-aċċess għas-suq għal fjuwils alternattivi (8).

4.9.   Għar-rapporti ta' progress li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea għandha turi wkoll il-possibbiltajiet li tagħmir li juża l-enerġija rinnovabbli jiġi trattat u riċiklat meta ma jkunx jista’ jibqa’ jintuża aktar. Eżempju tajjeb f’dan il-qasam huwa l-attività tal-Assoċjazzjoni PV Cycle, li waqqfet programm ta’ teħid lura u ta’ riċiklaġġ volontarju għal penils li ma jkunux għadhom jistgħu jibqgħu jintużaw u li hi responsabbli għall-penils fotovoltajċi sakemm ikun għadhom jistgħu jibqgħu jintużaw, billi jinħolqu għodod ta’ monitoraġġ, rappurtar u żvilupp tal-aħjar prattiki fil-qasam.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku

5.1.1.   Il-Kumitat jinsab imħasseb minħabba li probabbilment l-UE ma tilħaqx il-miri għall-2010 stabbiliti miż-żewġ direttivi. Għalhekk inħeġġu lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri responsabbli u biex jiddedikaw l-isforzi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri miftiehma, anki jekk ma jkunux obbligatorji. Hekk kif enfasizza r-rapport Stern, nuqqas ta’ azzjoni se jiswa ħafna iktar flus fit-tul.

5.1.2.   Illum jeżistu 27 skema ta’ appoġġ nazzjonali differenti, u hemm ir-riskju li l-Istati Membri jkunu tant kompetittivi bejniethom biex jilħqu l-miri tagħhom, li jinħoloq ir-riskju li jintefqu ħafna iktar flus milli fil-fatt hemm bżonn. Sabiex jilħqu l-miri tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiddiversifikaw it-teknoloġija użata, billi jħeġġu u jappoġġjaw iktar R&Ż (9) u edukazzjoni u taħriġ kif suppost (10). Eżempju tajjeb tal-iżvilupp tar-R&Ż bl-għajnuna finanzjarja tal-istat huwa ċ-ċentru IMEC fil-Belġju (www.imec.be).

5.1.3.   Għal darba oħra, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ strateġija komuni għal politika tal-enerġija min-naħa tal-Istati Membri, ibbażata fuq analiżi tal-kost-benefiċċju. Ħafna korpi, inkluż il-KESE, xtaqu li l-UE jkollha vuċi waħda. Madankollu, sakemm l-Istati Membri jħarsu l-ewwel u qabel kollox lejn l-interessi tagħhom, is-settur tal-enerġija fl-Ewropa se jibqa’ fraġli, vulnerabbli u mhux effiċjenti – ħafna iktar milli huwa qatt jista’ jkun; iktar ma jkun kbir l-Istat Membru, iktar se jkollu impatt (11). Għaldaqstant, fl-aħħar ta’ Ġunju, il-KE ppreżentat il-linji gwida għall-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (12) għall-enerġija rinnovabbli, biex b’hekk wieħed ikun jista’ jifhem aħjar l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

5.1.4.   Sabiex jingħelbu l-ostakli prinċipali identifikati fir-rapport rigward l-aċċess għan-netwerk, hemm il-ħtieġa ta’ appoġġ b’saħħtu għall-integrazzjoni tan-netwerk ta’ utilità għall-enerġija rinnovabbli, kif ukoll ta’ użu ta’ sistemi intermittenti għall-ħażna tal-enerġija (pereżempju batteriji) għal produzzjoni integrata ta’ enerġija rinnovabbli. Fir-rigward ta’ ostakli amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw serjament ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal korp amministrattiv uniku, responsabbli għall-awtorizzazzjonijiet kollha meħtieġa, li jaħdem b’mod iktar trasparenti  (13). Barra minn hekk, is-suq tal-elettriku jeħtieġ qafas regolatorju għal tul ta’ żmien li jkun stabbli u prevedibbli u armonizzazzjoni aħjar tal-programmi ta’ inċentiv tal-Istati Membri.

5.1.5.   L-implimentazzjoni kif suppost, fl-Istati Membri kollha, tal-iskema tal-garanzija tal-oriġini tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miri b’mod li jkun iktar effiċjenti fl-infiq fil-livell Ewropew.

5.2.   Enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport

5.2.1.   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-introduzzjoni tal-bijofjuwils tibqa’ tiswa ħafna iktar mit-teknoloġiji l-oħra li jnaqqsu d-CO2 f'setturi oħra, iżda ma jistax jaqbel li: huwa jibqa’ wieħed mill-ftit soluzzjonijiet disponibbli sabiex tiġi limitata ż-żieda fl-emissjonijiet tad-CO2 fis-settur tat-trasport, sakemm fl-Istati Membri kollha mhumiex implimentati kif suppost programmi sostenibbli tat-trasport.

5.2.2.   Il-ħtieġa għall-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tat-trasport hija essenzjali: persentaġġ fil-mira li jkun vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli jista’ jsir dejjem iktar diffiċli biex jinkiseb b’mod sostenibbli jekk id-domanda globali għall-enerġija fit-trasport tibqa’ tiżdied. Il-KESE rrimarka diversi drabi li din il-kwestjoni għandha tissolva permezz ta’ politika ta’ prevenzjoni tat-traffiku u bidla fid-differenza modali, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi tas-suq favur mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħal pereżempju trasport lokali pubbliku u transport bil-baħar (4).

5.2.3.   Bħalissa, il-produzzjoni Ewropea minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija fis-settur tat-trasport hija kważi ristretta b’mod esklussiv għall-bijofjuwils, li jkopru biss 2,6 % għall-2007, tal-ħtiġijiet għall-enerġija tal-Ewropa fis-settur tat-trasport. Fl-opinjoni tiegħu (14) dwar il-progress li sar fl-użu tal-bijofjuwils, il-Kumitat argumenta li l-politika segwita s’issa għandha terġa’ tiġi kkunsidrata, billi ssir enfasi fuq l-agrofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni. Fl-istess ħin, għandu jiġi promoss u appoġġjat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ konverżjoni tat-tieni ġenerazzjoni: tista’ tintuża materja prima minn “prodotti agrikoli li jikbru malajr”, ibbażata prinċipalment fuq prodotti agrikoli erbaċej jew tal-foresterija jew prodotti agrikoli sekondarji, biex b’hekk jiġi evitat l-użu ta’ żrieragħ għall-ikel agrikolu li huma aktar ta' valur (15).

5.2.4.   Sabiex jiġi evitat l-użu tal-art agrikola u ta’ żoni b’valur ta’ bijodiversità, għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, il-KESE qiegħed jipproponi li kull Stat Membru għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni mappa tal-pajjiż, li turi żoni allokati għall-għelejjel għall-enerġija. Din il-miżura se tikkontribwixxi wkoll għal stima aħjar tal-potenzjal tal-bijofjuwils fil-livell Ewropew.

5.3.   Impatt ekonomiku u ambjentali

5.3.1.   Id-dokument tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku u ambjentali huwa pjuttost ottimistiku, u jiffoka l-aktar fuq l-impatt pożittiv u ma jagħtix każ tal-impatt tal-bijofjuwils fuq il-prezzijiet tal-ikel. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-użu tal-agrikoltura biex jiġi prodott ikel tal-aqwa kwalità għandu jieħu preċedenza fuq l-użu tagħha għall-produzzjoni tal-enerġija bħala reazzjoni għal prezzijiet ogħla tal-ikel. L-Unjoni Ewropea għandha tieħu passi biex ittejjeb il-promozzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-iżvilupp ta’ bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni. Billi titnieda sistema għaċ-ċertifikazzjoni tal-bijofjuwils, l-UE se tkun qiegħda fuq quddiem fil-promozzjoni tal-prattiki sostenibbli għat-tkabbir tal-għelejjel (inklużi il-bdil fl-użu tal-art u l-protezzjoni tal-bijodiversità) kemm fil-fruntieri tagħha kif ukoll lil hinn minnhom.

5.3.2.   Id-dokument tal-Kummissjoni ma jevalwax l-impatt ekonomiku u soċjali tal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq il-baġit tal-konsumatur finali.

5.4.   Enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ

5.4.1.   Minħabba l-użu tal-bijomassa fil-produzzjoni tat-tisħin u l-elettriku, kif ukoll fil-forma ta’ “bijofjuwils”, il-Kumitat jantiċipa pressjoni qawwija fuq il-foresti. Barra minn hekk, il-fatt li iktar minn 70 studju (16) ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-potenzjali kollha stmati għall-2020 għall-UE-27 ivarjaw konsiderevolment (76 Mtoe – 480 Mtoe) iżidilna t-tħassib tagħna dwar l-immaniġġjar tal-foresti u l-pressjoni li se titpoġġa fuq l-esplojtazzjoni tal-foresti. Se jittieħdu passi u deċiżjonijiet important rigward il-bijomassa li tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija, iżda dawn se jittieħdu biss wara li tkun ġiet stabbilita sistema ta’ monitoraġġ adegwata. Għaldaqstant, huwa qed jistenna li l-Kummissjoni tibgħatlu r-rapport ippjanat tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-bijomassa (17).

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2005) 628 Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijomassa (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(3)  COM (2006) 845 Rapport dwar il-Progress tal-Bijofjuwils (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar L-użu tal-enerġija minn riżorsi rinnovabbli, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 43-48.

(5)  http://assets.panda.org/downloads/low_carbon_jobs_final.pdf.

(6)  ’Il fuq minn 109 miljun ewro skont ir-rapport.

(7)  BAP Driver – European Best Practice Report, disponibbli fuq: http://www.bapdriver.org/.

(8)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Fjuwils alternattivi għat-trasport fit-triq, ĠU C 195, 18.8.2006, p. 75-79.

(9)  L-Opinjoni tal-KESE dwar Kif se niffaċċjaw l-isfidi taż-żejt, KESE 46/2009 (punt 5.8).

(10)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 15-19.

(11)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 84-89.

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5174 – 1/30.6.2009.

(13)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 60-64.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-Rapport ta’ Progress tal-Bijofjuwils, ĠU C 44, 16.2.2008, p. 34-43.

(15)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52-61.

(16)  L-Istatus tal-Valutazzjonijiet tar-Riżorsi ta’ Bijomassa, Verżjoni 1, Diċembru 2008: http://www.eu-bee.com/.

(17)  Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/142


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni”

COM(2009) 217 finali – 2009/0063 (COD)

(2010/C 128/27)

Relatur: Is-Sur OPRAN

Nhar l-20 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80 (2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni

COM(2009) 217 finali – 2009/0063 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Ottubru 2009.

Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 voti favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

1.1.   Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Parlament u lill-Kunsill li jadottaw l-abbozz ta’ Direttiva tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż tas-sigurtà tal-avjazzjoni sabiex il-metodologija u s-soluzzjonijiet moderni proposti jkunu jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha kemm jista’ jkun malajr .

Fl-istess ħin, il-KESE jipproponi li l-korrezzjonijiet u l-bidliet li ġejjin għandhom isiru biex ikun hemm ċarezza akbar u jkun aktar faċli li l-metodoloġija moderna u s-soluzzjonijiet proposti mill-Kummissjoni jiġu applikati.

1.2.1.   B’referenza għall-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, paragrafu 3 “Elementi legali tal-proposta”, sottoparagrafu “Nondiskriminazzjoni”, il-Kumitat jipproponi li dan għandu jqis il-kontribut (inkluż fir-rigward tal-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp) tal-kostrutturi tal-ajruplani biex jgħollu l-livell ta’ sigurtà tal-ajruplani, ħalli l-paragrafu jiġi jaqra hekk: “ L-ispejjeż tal-imposti għas-sigurtà tal-ajru għandhom ikunu ġusti u mhux diskriminatorji fir-rigward tal-kumpaniji, il-passiġġieri u l-industrija tal-awronawtika ”.

1.2.2.   B’referenza għal Artikolu 1 – “Suġġett” tal-abbozz tad-Direttiva, il-Kumitat jipproponi li s-sottoparagrafu 1 għandu jiġi modifikat kif ġej: “ Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji komuni fil-livell tal-UE għall-kalkolu tal-imposta tas-sigurtà għall-ajruporti kollha tal-Komunità ”.

1.2.3.   B’referenza għall-Artikolu 4 – “Konsultazzjoni”, il-Kumitat jipproponi li s-sottoparagrafu 2 għandu jaqra kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kumitat tal-operaturi tal-avjazzjoni jitwaqqaf f’kull ajruport. Dan il-Kumitat għandu jipparteċipa fi proċedura obbligatorja u regolari għall-konsultazzjoni mal-entità tal-ġestjoni tal-ajruport fir-rigward tat-tħaddim tas-sistema tal-imposti tas-sigurtà u l-livell ta’ dawn l-imposti. Dik il-konsultazzjoni għandha sseħħ kull meta jkun meħtieġ u tal-anqas darba fis-sena. Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ċivili li jappoġġjaw l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru għandhom ikunu mistiedna biex jipparteċipaw b’mod permanenti fil-ħidma tal-Kumitat bħala membri sħaħ jew osservaturi, skont il-każ partikolari”.

Meta wieħed iqis l-isforz finanzjarju impost fuq l-Istati Membri biex jappoġġjaw it-twaqqif tal-awtoritajiet il-ġodda, il-KESE jqis li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill għandhom fl-aħħar jiddeċiedu bejn dawn iż-żewġ għażliet li ġejjin :

1.2.4.1.   Li jaċċettaw l-istrutturi professjonali u mħarrġa tajjeb tas-segretarjati tal-NASC biex iwettqu r-rwol ta’ “Unità ta’ Ħidma Indipendenti”, u b’hekk jiġi evitat l-appoġġ finanzjarju.

1.2.4.2.   Li jżommu mad-deċiżjoni tal-bidu li jitwaqqfu strutturi ġodda indipendenti.

1.2.5.   B’mod simili, il-Kumitat, li huwa konvint li l-attivitajiet marbuta mal-provvediment tas-sigurtà nazzjonali b’mod ġenerali u mal-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu b’mod partikolari huma responsabbiltajiet prinċipali tal-Istati Membri, iqis li l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-gvernijiet biex tkopri l-ispejjeż tas-sigurtà tal-ajru għandha tiġi riveduta u tiżdied b’mod sustanzjali biex tikkontribwixxi lejn l-ispejjeż li bħalissa qed jitħallsu mill-ajruporti, l-operaturi tal-ajru u l-passiġġieri.

2.   Konklużjonijiet u rimarki

2.1.   Il-metodoloġija l-ġdida proposta mill-Kummissjoni biex jiġu kkalkolati l-imposti għall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili hija bbażata fuq l-għażla u d-definizzjoni ta’ għadd ta’ prinċipji bażiċi li magħhom iridu jikkonformaw l-operaturi tal-ajruporti kollha f’dan is-settur meta jkunu qed jistabbilixxu l-livell ta’ imposti li jridu jitħallsu jew mill-kategoriji kollha jew inkella minn waħda jew iktar mill-utenti potenzjali (Stati, awtoritajiet tal-ajruporti, kumpaniji tal-avjazzjoni u passiġġieri).

Sussidjarjetà

Responsabbiltà tal-Istat

L-imposta / tariffi

Informazzjoni u komunikazzjoni

Armonizzazzjoni

Trasparenza

It-twaqqif ta’ Awtorità Nazzjonali Indipendenti ta’ Superviżjoni f’kull Stat Membru

2.2.   Wara valutazzjoni metikoluża tal-prinċipji bażiċi proposti mill-Kummissjoni, il-Kumitat jikkonsidra li l-implimentazzjoni prattika tagħhom tista’ telimina d-distorsjonijiet proċedurali li hemm bħalissa u tiżgura implimentazzjoni b’suċċess tal-metodoloġija innovattiva.

Rigward il-ħtieġa li titwaqqaf Awtorità Nazzjonali Indipendenti ta’ Superviżjoni f’kull Stat Membru, il-Kumitat jindika li:

2.3.1.   F’kull pajjiż tal-UE diġà twaqqaf Kumitat għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Nazzjonali (NASC), bi struttura interministerjali.

2.3.2.   Is-segretarjat tan-NASC – minkejja l-fatt li ma’ jistax jitqies bħala korp verament indipendenti – jista’ jaġixxi ta’ unità ta’ ħidma superviżorja bid-disponibbiltà tar-riżorsi kollha professjonali, umani u finanzjarji meħtieġa biex jiżgura li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu applikati sew u b’mod effiċjenti. Il-KESE jemmen li, fuq livell ġenerali, kwistjonijiet li jaffettwaw is-sigurtà tal-persuni fi Stat Membru m’għandhomx isiru kompletament indipendenti mill-awtoritajiet politiċi, u għandu jibqa’ possibbli l-kontroll demokratiku parlamentari.

Il-Kumitat japprezza l-ħidma professjonali tal-Kummissjoni, speċjalment l-użu tal-mudellar bil-kompjuter, biex jivvaluta l-għażliet maġġuri differenti għall-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni bbażati fuq il-prinċipji internazzjonali viġenti.

2.4.1.    L-UE ma jkollha l-ebda rwol f’dan il-proċess u l-konsegwenzi ta’ din il-pożizzjoni.

2.4.2.    Il-prattika ta’ politiki awtoregolatorji aċċettati mill-ICAO u l-industrija tista’ tipproteġi l-interessi tal-passiġġieri u tippromovi b’mod aktar effiċjenti s-servizzi tas-sigurtà għall-avjazzjoni permezz tal-konsultazzjoni diretta bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-ajruporti.

2.4.3.    Simili għall-għażla “2.4.2”, iżda regolata minn direttiva Ewropea.

2.4.4.   L-Istati Membri jħallsu l-ispiża kollha tas-sigurtà fl-ajruporti , b’hekk tiġi eliminata kull spiża għas-sigurtà li taqa’ fuq partijiet terzi u kull diskriminazzjoni biex tingħażel b’mod tajjeb l-għażla ottimali ta’ soluzzjoni fejn kulħadd hu rebbieħ, passiġġieri, awtoritajiet tal-ajruporti, kumpaniji tal-ajru u gvernijiet.

2.5.   Il-Kumitat jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u jikkonkludi wkoll li t-tielet għażla hija dik li taqdi l-aħjar l-interessi tal-konsumaturi u ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi tas-sigurtà tal-ajruporti pprovduti, filwaqt li jindika li l-amministrazzjoni ta’ din l-għażla fil-livell nazzjonali u ż-żieda fil-prezzijiet li tirriżulta tista’ tkun negliġibbli jekk il-Kummissjoni taqbel li tuża’ bħala unitajiet ta’ ħidma ddedikati s-segretarjati tal-NASC li diġà ġew imwaqqfa skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-imposti tal-ajruporti (1).

2.6.   Fl-istess ħin il-Kumitat iqis li l-għażla tal-Kummissjoni tilħaq il-mira mistennija biss jekk il-gvernijiet jaċċettaw li jagħmlu żieda sostanzjali fil-kontribut tagħhom għall-ispejjeż relatati.

2.7.   B’riferiment għad-dispożizzjonijit tad-Direttivi dwar it-trasparenza, il-Kumitat jemmen li dawn għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li dan l-aspett ma jirreferix biss għal problemi relatati mal-ispejjeż tas-sigurtà tal-ajru, iżda wkoll u bl-istess mod għall-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti; l-operaturi tal-ajru u l-passiġġieri jista’ jkollhom idea preċisa ta’ kif l-awtoritajiet tal-ajruporti jikkalkulaw l-imposti tas-sigurtà biss jekk dawn il-mekkaniżmi finanzjarji jsiru miftuha u trasparenti. Bl-istess mod, l-ispejjeż tal-persunal tas-sigurtà u l-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin marbuta magħhom jridu jkunu disponibbli pubblikament.

B’referenza għall-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, paragrafi 3 “Elementi Legali tal-proposta”, sottoparagrafi “Konsultazzjoni u rimedju” u “Trasparenza”, il-Kumitat iqis li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri tal-ajru, bħala l-kontributuri ewlenin għall-baġit allokat lis-sigurtà tal-ajru, għandhom jieħdu sehem fid-djalogu rilevanti bejn l-awtoritajiet tal-ajruporti u l-kumpaniji tal-avjazzjoni, imqar fir-rwol ta’ osservatur. Għalhekk ikun possibbli li jiġi evitat id-dħul jew il-kontinwazzjoni mhux ġustifikata ta’ proċeduri ta’ sigurtà li jiswew il-flus u li jimbarazzaw lill-passiġġieri, mingħajr ma fil-fatt inaqqsu b’mod sinifikanti t-theddid terroristiku. Bħala regola, dawn il-miżuri jiġu proposti bħala żieda fuq il-proċeduri normali mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u/jew dawk Iżraeljani. Huma jiġu applikati f’ċerti sitwazzjonijiet skont il-livell tar-riskju, madankollu xi awtoritajiet tas-sigurtà tal-UE, b’żelu eċċessiv u xi drabi bil-biża’ li jkunu responsabbli għal valutazzjoni mhux korretta tal-livell tar-riskju, ifittxu li jagħmluhom prattika permanenti. Għal din ir-raġuni, normalment jirrifjutaw diversi proposti mis-soċjetà ċivili organizzata għal diskussjoni konġunta dwar dawn il-kwistjonijiet.

2.8.1.   B’hekk fl-Ajruport Nazzjonali ta’ Brussell, il-passiġġieri huma mitluba li jneħħu ż-żarbun qabel ma jgħaddu mill-apparat li jirrintraċċa l-metall, filwaqt li ż-żarbun ikun għaddej mill-iskanner; dan joħloq riskju ta’ kontaminazzjoni meta l-passiġġieri jimxu ħafja miż-żona tal-kontroll tas-sigurtà fejn jista’ jkun hemm miljuni ta’ mikrobi, pereżempju wara li jkun għatas xi ħadd li jkun għadu ma ġiex djanjostikat li għandu l-influwenza tal-ħnieżer. Fl-istess waqt, l-amministrazzjoni tal-ajruport, permezz tal-fondi pubbliċi akkwistat għadd importanti ta’ skanners u detectors tal-aħħar ġenerazzjoni biex tikkontrolla ż-żraben tal-passiġġieri filwaqt li jkunu għadhom f’saqajhom; dan it-tagħmir ġie installat fiż-żona tal-kontroll tas-sigurtà iżda mhux qed jintuża waqt il-proċeduri ta’ kontrolli tas-sigurtà tal-passiġġieri.

2.8.2.   Każ ieħor dibattibbli huwa l-projbizzjoni li wieħed iġorr iktar mill-volum redikolu awtorizzat ta’ likwidu abbord; il-limitu stabbilit huwa primarjament minħabba f’żelu eċċessiv u mhux ġustifikat fl-ammont redikolu ta’ 100ml għal kull passiġġier.

2.9.   Minkejja l-inkompatibbiltà kompleta bejn il-projbizzjoni fl-abbozz tad-Direttiva li jsir profitt operattiv mill-attivitajiet li jipprovdu servizzi ta’ sigurtà għall-avjazzjoni u l-filosofija li tmexxi l-eżistenza u t-tħaddim tal-kumpaniji privati, li hi mmirata lejn it-tfittxija tal-għola profitti, filwaqt li jkun hemm sforz biex tiġi evitata kull misinterpretazzjoni oħra tal-Artikolu 7 tad-Direttiva proposta, il-Kumitat jipproponi b’ħeġġa li l-Kummissjoni taċċetta lill-kumpaniji privti bħala provvedituri tas-servizzi tas-sigurtà tal-ajru, ħlief għall-operazzjonijiet ta’ skennjar u osservazzjoni (detection).

2.10.   Il-KESE jemmen li l-applikazzjoni adatta tal-proposta tal-Kummissjoni, flimkien ma’ rwol aktar b’saħħtu għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jista’ joffri benefiċċji kbar lin-nies fl-Ewropa u l-bqija tad-dinja, flimkien mal-industrija tal-avjazzjoni u l-operaturi tal-ajruporti.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva – ir-riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa

3.1.1.   Fl-abbozzar tad-direttiva, id-DĠ TREN ikkonsulta għadd ta’ Stati Membri u organizzazzjonijiet vokazzjonali li jirrappreżentaw l-industrija u l-konsumaturi, bl-użu ta’ data li waslet minn ħdax-il Stat Membru, disa’ organizzazzjonijiet professjonali ta’ amministrazzjonijiet tal-ajruporti u tat-trasport tal-ajru u assoċjazzjoni waħda li tirrappreżenta l-passiġġieri tal-ajru.

3.1.2.   L-ebda Stat Membru ma appoġġja l-proposta li l-ispejjeż tas-sigurtà għandhom jitħallsu kompletament mill-gvernijiet nazzjonali, u argumentaw li dawn huma parti integrali mill-ispiża tan-negozju fis-settur tal-avjazzjoni, li għandha titħallas mill-industrija tal-avjazzjoni, bl-istess mod kif l-industrija tal-karozzi tinvesti biex ittejjeb is-sigurtà tal-karozzi. Kull Stat Membru appella għal projbizzjoni totali li jsir profitt operattiv minn dawn l-attivitajiet, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa li jkun garantit livell għoli ta’ trasparenza f’dan il-qasam.

3.2.   Definizzjoni tal-problema

3.2.1.   Analiżi tal-ispiża tas-sigurtà tal-avjazzjoni

3.2.1.1.   Hemm tliet komponenti ewlenin: spejjeż tas-sigurtà tal-ajruport, spejjeż tal-kumpaniji tal-avjazzjoni u l-ispejjeż li jħallsu l-Istati Membri. Il-kontrolli tas-sigurtà fuq il-passiġġieri u t-tagħbija (il-bagalji) huma l-parti l-kbira mill-ispiża.

3.2.1.2.   Hemm żewġ partijiet fl-ispiża tal-kontrolli tas-sigurtà: il-pagi u l-ispiża tal-infrastruttura u t-tagħmir. Is-servizzi tas-sigurtà b’mod ġenerali huma pprovduti minn organizzazzjonijiet nazzjonali kompetenti jew jiġu delegati lill-amministrazzjoni tal-ajruport jew kumpanija privata speċjalizzata.

3.2.2.   Kemm jiswew u min iħallas fl-aħħar?

Fl-2007, l-ispejjeż biex tiġi provduta s-sigurtà fl-ajru madwar l-UE laħqet stima ta’ EUR 1,6 biljun, li bejn wieħed u ieħor hija 1 % tal-ispiża medja ta’ biljett tal-ajru mħallas minn ‘il fuq minn 636 miljun passiġġier li żbarkaw mill-ajruporti tal-Komunità. Il-parti l-kbira tal-ispejjeż li jħallsu l-Istati Membri u l-industrija huma koperti mill-miżati u spejjeż oħra li jħallsu l-passiġġieri tal-ajru. B’kollox, il-kumpaniji tal-avjazzjoni, il-passiġġieri u l-merkanzija bl-ajru jkopru 90 % tal-ispejjeż tas-servizzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni, filwaqt li l-gvernijiet tal-Istati Membri jkopru biss minn 6 % sa 7 % ta’ dawn l-ispejjeż permezz ta’ allokazzjonijiet baġitarji.

3.2.3.   Prattiċi diskriminatorji fil-qasam tal-ispejjeż fis-servizzi għas-sigurtà tal-avjazzjoni

Il-passiġġieri tal-ajru jridu jgħaddu mill-istess kontrolli tas-sigurtà irrispettivament mid-destinazzjoni tagħhom madwar l-UE, fosthom it-titjiriet domestiċi. Għaldaqstant l-ispejjeż tas-sigurtà għandhom ikunu identiċi. Sfortunatament, biex inaqqsu l-ispejjeż, il-kumpaniji tal-avjazzjoni jitfgħu fuq il-passiġġieri l-ispejjeż tal-kontrolli tas-sigurtà li jmisshom iħallsu huma. B’mod ġenerali, il-kumpaniji nazzjonali jużaw is-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom biex jinfluwenzaw is-sitwazzjoni fl-ajruporti nazzjonali tagħhom, u jxeqilbu l-istruttura tal-prezzijiet favur it-titjiriet domestiċi filwaqt li jgħollu l-prezz tal-biljetti għat-titjiriet li ġejjin minn barra.

Tabella 1: Spiża tas-sigurtà għal kull passiġġier għat-titjiriet esterni fi ħdan l-UE u t-titjiriet domestiċi

Pajjiż/Ajruport

Fl-UE

Domestika

Rumanija – L-Ajruport ta’ Bukarest

EUR 7,50

EUR 3,81

Spanja – l-ajruporti kollha

EUR 1,39

EUR 1,18

Litwanja – Vilnjus

EUR 2,32 / TM tal-Piż Massimu meta l-ajruplan ikun ser jinqata’

EUR 1,16 massimu/TM tal-Piż Massimu meta l-ajruplan ikun ser jinqata’

Ċipru – Larnaka

EUR 0,39

0

It-tabella 1 tagħti xi eżempji ta’ prattiki li bihom ħafna kumpaniji tal-ajru nazzjonali japplikaw spejjeż differenti għas-servizzi tas-sigurtà għat-titjiriet internazzjonali u dawk domestiċi, prattika li tikkontradixxi kompletament id-dispożizzjonijiet f’Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Qafas 300/2008 dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (2).

3.3.   L-immudellar u s-simulazzjoni ta’ varjetà ta’ għażliet / l-għażla tal-aħjar soluzzjoni

Fit-tħejjija tad-Direttiva, il-Kummissjoni użat simulazzjoni matematika biex tivvaluta erba’ għażliet differenti bbażati fuq il-prinċipji internazzjonali eżistenti marbuta mal-ispejjeż tal-provvista tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

3.3.1.   Għażla 1: L-UE ma jkollha l-ebda rwol f’dan il-proċess u l-konsegwenzi ta’ din il-pożizzjoni

L-imposti applikati jwasslu għal diskriminazzjoni kbira bejn il-kumpaniji tal-avjazzjoni u l-passiġġieri.

3.3.2.   Għażla 2: Il-prattika ta’ politiki awtoregolatorji aċċettati mill-ICAO u l-industrija tista’ tipproteġi l-interessi tal-passiġġieri u tippromovi b’mod aktar effiċjenti s-servizzi tas-sigurtà għall-avjazzjoni permezz tal-konsultazzjoni diretta bejn it-trasportaturi u l-ajruporti.

Qafas simili ilu jeżisti mill-1981 fil-forma tar-regoli tal-ICAO iżda l-awtoregolamentazzjoni għadha ma wasslet għall-ebda riżultat sinifikanti.

3.3.3.   Għażla 3: Simili għall-għażla 2, iżda regolata minn direttiva Ewropea

Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-avjazzjoni jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra l-ajruporti jekk l-imposti tas-sigurtà jkunu diskriminatorji jew ikunu qed jintużaw għal skopijiet oħra barra milli jkopri l-ispiża tas-sigurtà. Din is-soluzzjoni hija appoġġjata minn għadd ta’ politiki tal-UE li huma marbuta flimkien u hija konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam.

3.3.4.   Għażla 4: L-Istati Membri jħallsu l-ispiża kollha tas-sigurtà fl-ajruporti, b’hekk tiġi eliminata kull spiża għas-sigurtà li taqa’ fuq partijiet terzi u kull diskriminazzjoni.

Din is-soluzzjoni tiskoraġġixxi titjib fil-kwalità tas-servizzi tas-sigurtà, peress li l-operaturi fis-settur ma jkollhom l-ebda inċentiv biex ibaxxu l-ispejjeż tagħhom. Barra minn hekk, din l-għażla ġiet rifjutata b’mod qawwi mill-Istati Membri kollha.

3.4.   Il-valutazzjoni tal-Kumitat dwar l-għażla tal-prinċipji li l-Kummissjoni użat biex tiddefinixxi l-metodoloġija l-ġdida

3.4.1.   Is-Sussidjarjetà

3.4.1.1.   Dan japplika meta l-proposta tkun ’il barra mill-kompetenza esklussiva tal-Komunità u meta l-għanijiet tagħha ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Stat Membri li jaġixxu individwalment għax is-sistemi biex jiġu ffissati l-imposti tas-sigurtà u tal-ajruporti mhumiex ikkontrollati b’mod uniformi madwar l-UE.

3.4.1.2.   Is-sistemi tal-imposti għadhom ivarja bejn l-Istati Membri, u dan ifixkel il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet verament ugwali għall-ajruporti u għat-trasportaturi tal-ajru.

3.4.1.3.   L-applikazzjoni madwar l-UE kollha ta’ sett komuni ta’ regoli bażiċi rigward l-imposti tas-sigurtà għandu jiżgura andament ġust bejn is-sħab fis-settur tal-avjazzjoni fid-definizzjoni tal-parametri li jallokaw l-ispejjeż tas-sigurtà tal-ajruporti.

3.4.1.4.   Hemm għadd ta’ sistemi differenti ta’ imposti fl-UE minħabba fin-nuqqas ta’ prinċipji gwida li jiġu applikati b’mod uniformi fil-kalkolu tal-imposti tas-sigurtà. Id-Direttiva telimina l-ambigwitajiet f’dan il-qasam billi tiddefinixxi u tipproponi metodu uniku għall-kalkolu ta’ dawn l-imposti, biex b’hekk tkun possibbli l-applikazzjoni uniformi.

3.4.1.5.   Il-proposta tillimita ruħha għall-istabbiliment ta’ sett minimu ta’ regoli li għandhom jitħarsu meta l-Istati Membri u/jew l-operaturi tal-ajruporti jiffissaw il-livelli tal-imposti tas-sigurtà. Id-Direttiva ma timponix sistema partikolari ta’ imposti; L-għażla tas-sistema titħalla f’idejn l-Istati Membri.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa korrett u meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida.

3.4.2.   Responsabbiltà tal-Istat

3.4.2.1.   Bħal fil-każ tas-sussidjarjetà, din tapplika meta l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità; fil-prospettiva tat-tfassil tad-Direttiva jinħolqu problemi simili għaż-żewġ prinċipji adottati.

3.4.2.2.   Il-proposta tillimita ruħha għall-istabbiliment ta’ sett minimu ta’ regoli li għandhom jitħarsu meta l-Istati Membri u/jew l-operaturi tal-ajruporti jiffissaw il-livelli tal-imposti tas-sigurtà. Id-Direttiva ma timponix sistema partikolari ta’ imposti; l-għażla tas-sistema titħalla f’idejn l-Istati Membri.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat huma korretti u meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, filwaq li jikkunsidraw b’mod xierqa il-potenzjal ta’ kundizzjonijiet mhux simmetriċi u kunflittwali kif ukoll id-disparità bejn l-Istati Membri fil-livelli tal-allert għat-terroriżmu li jridu jiġu pprovduti, u n-nazzjonalità tat-trasportatur. Il-kontribut finanzjarju tal-Gvernijiet biex jipprovvdu sigurtà fl-ajru trid tiġi vvalutata mill-ġdid u tiżdied b’mod sustanzjali, peress li l-Istat huwa l-korp eżekuttiv li għandu l-akbar responsabbiltà fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.4.3.   L-imposta

3.4.3.1.   Il-ġbir tal-imposti għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u tal-groundhandling diġà ġie kopert fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1794/2006 tas-6 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi skema komuni ta’ imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (3) u mid-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (4).

3.4.3.2.   L-ispejjeż legali marbuta mas-sigurtà ma jistgħux jiġu stabbiliti bi skema komuni ta’ imposti minħabba fid-differenzi kbar fil-livelli ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għall-iżvilupp, it-twaqqif u t-tħaddim ta’ sistemi ta’ sigurtà tal-ajru fl-ajruporti nazzjonali.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-imposta huma korretti u meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva; madankollu, huwa impossibbli li titfassal skema komuni tal-imposti minħabba fil-firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet madwar l-UE.

3.4.4.   Informazzjoni u komunikazzjoni

3.4.4.1.   B’mod ġenerali, l-utenti tal-ajruporti fl-Ewropa u f’kontinenti oħra huma organizzati f’kumitati ta’ operaturi tal-ajruport li għandhom djalogu permanenti mal-amministrazzjoni tal-ajruport.

3.4.4.2.   Dan il-qafas jippermetti li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni dwar il-proċedura u l-bażi għall-kalkolu tal-imposti tas-sigurtà, b’mod speċifiku l-previżjonijiet operattivi tal-utenti, il-pjanijiet tal-iżvilupp, talbiet speċifiċi u proposti.

Konklużjoni : il-prinċipju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni diretta bejn l-operaturi tas-sigurtà u l-awtoritajiet tal-ajruport ġie magħżul b’mod korrett u huwa adatt għall-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida. jsir aktar importanti kieku jiddaħħlu l-attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi.

3.4.5.   Armonizzazzjoni

3.4.5.1.   Il-bażi tar-rata għall-ispejjeż tas-sigurtà tkun tista’ tiġi armonizzata fl-ajruporti tal-Komunità, jekk dawn l-ispejjeż jiġu koperti kompletament mill-imposti tas-sigurtà.

3.4.5.2.   Id-dħul miġbur mill-applikazzjoni ta’ dawn l-imposti ma tridx taqbeż l-ispejjeż totali għall-provvista tas-sigurtà, inkluż il-fondi pubbliċi kollha; fi ftit kliem, mhu permess l-ebda profitt operazzjonali minn dit-tip ta’ attività.

3.4.5.3.   Għal din ir-raġuni, l-imposti tas-sigurtà b’mod ġenerali ma jistgħux jiġu armonizzati għal kollox.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-armonizzazzjoni tal-bażi tar-rata huma korretti u meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, għalkemm il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-impossibbiltà li l-imposti kollha jkunu armonizzati u għall-projbizzjoni li jkun hemm profitti operattivi.

3.4.6.   Trasparenza

3.4.6.1.   Trid tiġi garantita t-trasparenza meta l-preżenza ta’ miżuri nazzjonali tas-sigurtà li jkunu aktar stretti mill-istandards speċifiċi tal-Komunità stabbiliti skont ir-Regolament (KE) 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 jkollha impatt ekonomiku.

3.4.6.2.   Għandu jiġi notat li xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu imposti biss, b’mod permanenti jew temporanju, fuq talba espliċita ta’ wieħed jew aktar operaturi tal-ajru.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza huma korretti u meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, meta miżuri ta’ sigurtà nazzjonali jkunu aktar restrittivi mill-miżuri tal-Komunità jew fuq talba espliċita tal-operaturi tal-ajru. Dawn iridu jiġu kumplimentati b’informazzjoni dettaljata dwar is-sorsi tal-fondi u l-korpi responsabbli għall-ġbir tal-fondi allokati, jekk dan ma jsirx mill-awtoritajiet tal-ajruport.

3.4.7.   Il-ħtieġa li titwaqqaf Awtorità Nazzjonali Indipendenti ta’ Superviżjoni f’kull Stat Membru

3.4.8.   F’kull Stat Membru diġà twaqqaf kumitat għas-sigurtà tal-avjazzjoni nazzjonali, bi struttura interministerjali.

3.4.9.   Bħala struttura governattiva, is-segretarjati tal-NASC ma’ jistgħux jaġixxu għal kollox bħala korp superviżorju verament indipendenti, iżda nqisu li – fuq il-bażi tal-professjonalità u r-reputazzjoni internazzjonali tal-ispeċjalisti tagħhom u r-riżorsi finanzjarji li jiddisponu minnhom – jistgħu jissorveljaw b’mod newtrali li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu applikati sew u b’mod effiċjenti.

Konklużjoni : l-għażla u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ superviżjoni huma korretti u meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva l-ġdida. Minkejja li huma integrati fl-istrutturi governattivi, il-Kumitat iqis li s-segretarjati tan-NASC jistgħu jaqdu dan ir-rwol b’mod newtrali u professjonali, filwaqt li jnaqqsu kemm jista’ jkun l-impenn finanzjarju tal-Istati Membri biex iwaqqfu strutturi ġodda u biex jgħinuhom isiru operattivi.

Brussell, 5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11.

(2)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(3)  ĠU L 341, 7.12.2006, p. 3.

(4)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/147


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (riformulazzjoni)”

(riformulazzjoni)

COM(2009) 391 finali - 2009/0110 (COD)

(2010/C 128/28)

Nhar il-11 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 156 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (riformulazzjoni)

COM(2009) 391 finali – 2009/0110 (COD)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), b’mod unanimu, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/148


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq”

(verżjoni kkodifikata)

COM(2009) 446 finali – 2009/0123 (COD)

(2010/C 128/29)

Nhar is-29 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 156 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Proposta għal Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] dwar proċeduri uniformi għal verifiki fuq it-trasport ta’ merkanzija perikoluża bit-triq (verżjoni kkodifikata)

COM(2009) 446 finali - 2009/0123 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru), b’unanimità, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/149


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011)”

COM(2009) 254 finali – 2009/0072 (CNS)

(2010/C 128/30)

Relatur Ġenerali: is-Sinjura Soscha zu EULENBURG

Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jħejji opinjoni addizzjonali dwar:

is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011)

COM(2009) 254 finali (2009/0072 (CNS).

Huwa inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Fid-dawl tan-natura urġenti tax-xogħol, il-Kumitat ħatar lis-Sinjura Soscha zu Eulenburg bħala relatur ġenerali matul l-457 sessjoni plenarja tal-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009) u adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011. Permezz tagħha ser jiġi onorat l-impenn ta’ ħafna ċittadini f’diversi oqsma tal-volontarjat li jaħdmu għas-soċjetà u għall-koeżjoni soċjali fl-Ewropa.

1.2.   Il-KESE jaqbel mal-għanijiet previsti għas-sena sabiex jinkiseb valur Ewropew miżjud għaċ-ċittadini.

1.3.   Il-KESE jenfasizza li l-impenn volontarju m’għandux jiġi sfruttat.

1.4.   Għandu jkun hemm rabta mill-qrib ma’ Snin Ewropej oħra bħas-Sena Ewropea kontra l-Faqar (2010) u s-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) sabiex jinħolqu sinerġiji sostenibbli.

1.5.   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri tal-UE jfasslu aġenda politika għall-appoġġ tal-volontarjat u l-infrastruttura tiegħu.

1.6.   Il-KESE jemmen fil-bżonn ta’ kundizzjonijiet qafas li jiżguraw appoġġ adegwat għall-volontarjat u l-infrastruttura tiegħu fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej u li jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini.

1.7.   Il-KESE jaqbel li jinħolqu strutturi sostenibbli fil-livell Ewropew. Pjattaforma tal-partijiet interessati fil-volontarjat tista’ taqdi rwol sabiex jintlaħaq dan l-għan.

1.8.   Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ żieda sostanzjali u urġenti fil-baġit sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti u sabiex tiġi kkunsidrata wkoll id-dimensjoni lokali.

1.9.   Il-partijiet involuti għandu jkollhom żmien biżżejjed sabiex jippreparaw għas-sena u jimplimentawha b’mod effettiv. Il-Kunsill u l-Parlament għandhom għalhekk jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kontenut u l-baġit kemm jista’ jkun malajr.

1.10.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jwassal għal White Paper sabiex jiġi żgurat is-segwitu li hemm bżonn u sabiex jindika l-passi u l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew.

2.   Għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.   F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2009). L-għan tas-Sena Ewropea huwa li ssaħħaħ it-tifsira u l-utilità tal-volontarjat fis-soċjetajiet Ewropej.

2.2.   Il-Kummissjoni tipproponi erba’ għanijiet għas-Sena Ewropea tal-Volontarjat:

Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas għandu jistabbilixxi l-volontarjat bħala strument li jappoġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin u l-impenn ta’ persuna lejn oħra.

Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-volontarjat u jiġu appoġġjati n-networkjar, il-mobbiltà u l-kooperazzjoni, għandhom jissaħħu l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u għandha titjieb il-kwalità tal-attività.

Il-kumpens u r-rikonoxximent tal-ħidma volontarja għandu jiġi appoġġjat minn inċentivi adegwati għall-individwi, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet.

Il-pubbliku ġenerali għandu jkun konxju mill-valur u t-tifsira li għandu x-xogħol volontarju.

2.3.   L-għanijiet għandhom jitwettqu permezz tal-iskambju tal-esperjenza, it-tixrid tar-riżultati tal-istudji, il-konferenzi u avvenimenti bħal kampanji ta’ informazzjoni u pubbliċità. Għal dawn qiegħed jiġi previst baġit ta’ madwar EUR 6 miljun għall-2011 u EUR 2 miljuni għall-miżuri ta’ tħejjija fl-2010.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Sena Ewropea tal-Volontarjat. Il-Kummissjoni b’hekk qed tissodisfa t-talba tal-KESE u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-Parlament Ewropew.

3.2.   Ta’ min jagħraf b’mod partikolari x-xewqa tal-Kummissjoni li tidħol fi djalogu ċivili intensiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ li ssir ħidma wkoll sabiex l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tfassil tal-programmi politiċi nazzjonali u Ewropej rilevanti jseħħu fil-qafas taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ppjanati fil-livell nazzjonali. Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni jista’ jservi ta’ eżempju f’dan ir-rigward.

3.3.   It-titolu “European Year of Volunteering” intagħżel tajjeb u jiġbor fih l-aspetti kollha tal-fonemenu tal-volontarjat. It-titlu huwa konkret, jistgħu jidentifikaw miegħu l-Ewropej kollha u huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jiġbed attenzjoni lejn il-bosta uċuh tal-ħidma volontarja. It-titolu jikkorrispondi man-natura interdixxiplinari tal-volontarjat u l-firxa ta’ setturi li jopera fihom u għandu jinżamm.

3.4.   Il-KESE jilqa’ l-fatt li qed tinġibed l-attenzjoni lejn is-sinifikat tal-volontarjat bħala espressjoni tal-parteċipazzjoni ċivika, tal-valuri Ewropej, tas-solidarjetà u tal-iżvilupp tas-soċjetajiet Ewropej. Il-KESE ġibed l-attenzjoni għal dan f’diversi opinjonijiet tiegħu.

3.5.   Taħt l-ebda ċirkunstanzi m’għandu jiġi kkunsidrat “l-isfruttament” tal-volontarjat. Il-ħaddiema volontarji mhumiex strumenti tal-politika iżda espressjoni jew element taċ-ċittadinanza attiva. Permezz tal-volontarjat tagħhom huma jgħixu valuri ideali bħal pereżempju l-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà u t-tagħlim tul il-ħajja fl-oqsma tal-ambjent, l-isport, id-drittijiet tal-bniedem u l-kultura fost oħrajn.

3.6.   Ir-riskju tal-isfruttament tal-volontarjat fis-suq tax-xogħol u l-kapaċità għall-impjieg huwa evidenti f’partijiet mit-test tal-Kummissjoni. Punt 3 pereżempju jenfasizza li “l-volontarjat jikkostitwixxi esperjenza mhux formali ta’ tagħlim li tippermetti kemm l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi professjonali kif ukoll għamla ewlenija ta’ parteċipazzjoni ċivika attiva.” Esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali li jistgħu jaġevolaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jżidu l-kapaċità għall-impjieg huma elementi pożittivi.

3.7.   Ħafna drabi tissemma’ l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali bħala raġuni għal orjentazzjoni ġdida f’diversi oqsma. Madanakollu jeħtieġ li ma taqax awtomatikament fuq il-ħaddiema volontarji li jpattu għall-effetti negattivi tal-kriżi fuq is-soċjetajiet tagħna. Din il-kriżi tiġbed iktar attenzjoni lejn il-valur li għandu l-impenn volontarju taċ-ċittadini fis-soċjetà bħala opportunità li wieħed jgħix is-solidarjetà u li jaħdem għal ħaddieħor, iżda anki li jakkwista xi ħaġa minn xogħlu, bħal żieda fil-kapaċitajiet u/jew netwerk soċjali iktar mifrux. Il-volontarjat għandu għalhekk il-potenzjal li jtaffi l-impatti tal-kriżi u jgħaqqad is-soċjetà. Madanakollu dan ma jseħħx b’riżultat tal-kriżi iżda huwa riżultat tal-valur tal-volontarjat li qed jerġa’ jiġi skopert f’dawn iċ-ċirkustanzi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas

4.1.1.   Hemm bżonn ta’ qafas ġuridiku li jiżgura infrastruttura tal-volontarjat fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej u li jiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Barra minn hekk, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas finanzjarji u politiċi biex jeliminaw l-ostakli li jeżistu għall-volontarjat (1).

4.2.   Tisħiħ tal-organizzazzjonijiet

4.2.1.   Il-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat bħala lok u katalisti tal-impenn hija importanti ħafna: dawn l-organizzazzjonijiet ikunu ħafna drabi l-ewwel u l-uniċi punti ta’ kuntatt tal-ħaddiema volontarji u ħafna drabi jkunu twaqqfu minn volontarji stess. Bħala s-sinsla tas-soċjetà ċivili u tal-volontarjat, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat għandhom jaqdu rwol partikolari fl-2011 permezz tal-iskambju tal-esperjenza u t-titjib fil-kapaċità u l-kwalità tax-xogħol.

4.2.2.   L-għan għandu jkun li jinħolqu strutturi sostenibbli fil-livell Ewropew. Pjattaforma tal-partijiet interessati fil-volontarjat tista’ tiżgura li s-sena jibqa’ jkollha impatt saħansitra wara l-2011 u li ssir ħidma fuq “politika li tiffavorixxi l-volontarjat”.

4.2.3.   Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 għandha tintuża bħala għajn ta’ eżempji tal-aqwa prattika u għall-iskambju ta’ dawn l-esperjenzi.

4.3.   Titjib tal-kwalità

4.3.1.   B’rabta mat-titjib tal-kwalità, il-proposta tal-Kummissjoni ssemmi fost affarijiet oħra l-“professjonalizzazzjoni”. Dan it-terminu ma jinftiehemx u għalhekk għandu jiġi evitat. L-għan huwa iktar li niżguraw il-kwalità tal-attività volontarja. Il-volontarji għandu jkollhom id-dritt li jaħdmu fejn jixtiequ. L-impenn tagħhom jaqdi lis-soċjetà, lill-individwi iżda anki lilhom. Jeħtieġ li jiġu żgurati r-riżorsi finanzjari u tal-persunal li huma meħtieġin sabiex il-ħaddiema volontarji jkunu jistgħu jkomplu jiksbu l-kwalifiki, jitħarrġu u jiġu gwidati matul l-impenn tagħhom.

4.4.   Rikonoxximent tal-attività

4.5.   Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp ta’ kultura ta’ rikonoxximent. Madanakollu jeħtieġ li tiġi evitata l-idea ta’ kumpens fir-rigward tal-ħaddiema volontarji: l-idea ta’ kumpens mhix ċara għax hawn mhux qed nitkellmu dwar rikonoxximent finanzjarju tal-ħidma. Għalhekk it-terminu kumpens huwa sors ta’ kunflitt. Fil-qafas tas-Sena Ewropea 2011, id-differenza bejn ix-xogħol imħallas u l-volontarjat m’għandhiex tiġi injorata iżda għandha tinġibed attenzjoni lejn il-mod ta’ kif iż-żewġ oqsma jikkumplementaw lil xulxin.

4.6.   Sensibilizzazzjoni dwar il-valur u t-tifsira tal-volontarjat

4.7.   Il-Kumitat jilqa’ s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku ġenerali bħala għan importanti. Jeħtieġ li jiġi żgurat li hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal dan. Kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet u l-valur tal-volontarjat tirrikjedi madwar EUR 3.5 miljun jiġifieri iktar minn nofs il-baġit sabiex il-messaġġ jasal verament għand il-poplu. Dan mhux biżżejjed. Għas-Sena Ewropea tal-Edukazzjoni permezz tal-Isport 2004 ntużaw EUR 12,3 miljun. Skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni li sar fuq proposta tal-Kummissjoni stess, iċ-ċittadini tal-UE “ma kienu jafu ftit jew kważi xejn” dwar is-sena u li l-messaġġi prinċipali tagħha ma waslulhomx.

4.8.   Riżorsi finanzjarji

4.8.1.   Il-proposta tipprevedi baġit ta’ madwar EUR 6 miljuni għall-miżuri fl-2011 u EUR 2 miljuni għall-miżuri ta’ tħejjija fl-2010. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija u sabiex titqies id-dimensjoni lokali tal-impenn tal-Ewropej, l-UE jeħtieġ li tressaq stima baġitarja realistika. Fil-fehma tagħna EUR 6 miljuni fil-livell Ewropew u tal-Istati Membri mhumiex biżżejjed. Ikun riżultat ikrah jekk is-Sena 2011, b’inqas minn nofs il-baġit tal-2004, tikseb l-istess riżultati ta’ dak iż-żmien jew jekk l-għanijiet ambizzjużi jitwarrbu minħabba li ma jkunx hemm baġit għalihom.

4.8.2.   Biss biss fl-2005 il-gvern tar-Renju Unit iddedika EUR 10 miljuni għas-Sena tal-Volontarjat tal-pajjiż u r-reġjun ta’ Valencia ddedika EUR 4.2 miljuni għal Sena tematika oħra fir-reġjun. Bħala eżempju tajjeb ta’ baġit realistiku fil-livell Ewropew nistgħu nieħdu s-Sena 2010 li għaliha ġie allokat baġit ta’ EUR 17-il miljun. EUR 9 miljuni minnhom ippjanati għal attivitajiet fl-Istati Membri li magħhom wiegħdu li jżidu EUR 9 miljuni oħra.

4.9.   Il-White Paper

4.9.1.   Bil-għan tal-akkumpanjament u l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tixtieq tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-evalwazzjoni ġenerali tal-inizjattivi. B’rabta ma’ dan il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-proposta tiegħu u jħeġġeġ li titfassal White Paper bil-passi u l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex ir-riżultati tas-Sena Ewropea jkollhom impatt dejjiemi.

4.10.   Użu tas-sinerġiji

4.10.1.   Għandhom jinħolqu sinerġiji bejn is-Sena Ewropea kontra l-Faqar (2010), is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011) u s-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012). Din is-sekwenza ta’ tliet snin hija opportunità unika sabiex l-azzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri fil-qasam tal-impenn taċ-ċittadini lejn xulxin tingħata element komuni sabiex b’hekk jinkisbu effetti sostenibbli. Il-gruppi inkarigati mill-organizzazzjoni ta’ dawn it-tliet snin fl-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali għandhom jaħdmu mill-qrib ħafna.

4.11.   Proċess interistituzzjonali

4.11.1.   Sabiex l-atturi involuti jingħataw biżżejjed żmien sabiex jippreparaw u jimplimentaw is-sena, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għandhom jiġu sfurzati jadottaw il-proposta mingħajr dewmien. It-tir għandu jkun l-aħħar tas-sena 2009 sabiex il-fażi ta’ tħejjija uffiċjalment tkun tista’ tibda u l-mezzi finanzjarji jkunu jistgħu jsiru disponibbli.

Brussell, il-5 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Eżempju wieħed fost dawn il-ħafna ostakli: f’diversi pajjiżi, dawk li mhumiex f’impjieg bi ħlas għandhom restrizzjonijiet kbar fin-numru ta’ sigħat li huma permessi jaħdmu fuq bażi volontarja.