ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.277.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 277

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
17 ta' Novembru 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-453 sessjoni plenarja tal-KTR fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009

2009/C 277/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività

1

2009/C 277/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tal-ostakli leġiżlattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

6

2009/C 277/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju(opinjoni esploratorja)

15

2009/C 277/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku (opinjoni esploratorja)

20

2009/C 277/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata(opinjoni esploratorja)

25

2009/C 277/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant(opinjoni esploratorja)

30

2009/C 277/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja

37

2009/C 277/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali

42

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-453 sessjoni plenarja tal-KTR fil-13 u t-14 ta’ Mejju 2009

2009/C 277/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttivi tal-Kunsill 71/317/KEE, 71/347/KEE, 71/349/KEE, 74/148/KEE, 75/33/KEE, 76/765/KEE, 76/766/KEE u 86/217/KEE dwar il-metroloġija COM(2008)801 finali – 2008/0227 (COD)

49

2009/C 277/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi COM(2008) 543 finali – 2008/0211 (COD)

51

2009/C 277/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS)

56

2009/C 277/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità COM(2008) 645 finali

62

2009/C 277/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti COM(2008) 767 finali

67

2009/C 277/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz COM(2008) 812 finali - 2008/0229 COD

72

2009/C 277/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Prosposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) COM(2008) 780 finali – 2008/0223(COD)

75

2009/C 277/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tobbliga lill-Istati Membri jżommu livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt mhux raffinat u/jew ta’ prodotti tal-petroleum COM(2008) 775 finali – 2008/0220 (CNS)

81

2009/C 277/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport COM (2008) 887 finali – 2008/0263 (COD)

85

2009/C 277/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija COM(2009) 35 finali – 2009/0010 (COD)

90

2009/C 277/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa COM(2008) 699 finali

92

2009/C 277/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea COM(2009) 104 finali

98

2009/C 277/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS)

100

2009/C 277/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/85/KE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu COM(2008) 637 finali – 2008/0193 (COD))

102

2009/C 277/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul (fuq id-dħul mit-tfaddil) fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax COM(2008) 727 finali – 2008/0215 (CNS)

109

2009/C 277/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ tranżazzjonijiet oħra transkonfinali COM(2008) 805 finali – 2008/0228 (CNS)

112

2009/C 277/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu COM(2008) 704 finali – 2008/0217 (COD)

117

2009/C 277/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali (COM(2008) 545 finali)

125

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-453 sessjoni plenarja tal-KTR fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009

17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/1


L-453 SESSJONI PLENARJA TAL-KTR FIT-13 U L-14 TA’ MEJJU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività”

(Opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/01)

Rapporteur: is-Sinjura DARMANIN

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2008, il-Presidenza Ċeka talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jirrakkomanda li titfassal definizzjoni ġdida tal-kompetittività, u huwa tal-fehma li l-kompetittività għal perijodu twil ta’ żmien m’għadhiex tista’ tiġi kalkulata skont il-PGD biss iżda għandha tkun ibbażata fuq għadd ikbar ta’ kriterji, fosthom is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali. Il-KESE jemmen li fil-klima ekonomika tal-lum għandna nibdew niffokaw fuq il-kompetittività sostenibbli għall-ġejjieni.

1.2.   Fuq il-bażi tal-idea li s-sostenibbiltà hija proċess u indikatur li qed jevolvi, il-KESE jaħseb li l-innovazzjoni hija parti essenzjali mill-kompetittività sostenibbli, u għaldaqstant hija l-innovazzjoni li tista’ tirfina dan il-proċess. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-iżvilupp huma aspett importanti ħafna tal-proċess ta’ innovazzjoni.

1.3.   F’din l-opinjoni, il-KESE jidentifika għadd ta’ fatturi li jxekklu l-approċċ tar-riċerka u l-innovazzjoni. Sabiex jingħelbu dawn il-problemi jinħtieġu kemm viżjoni għal perijodu twil ta’ żmien kif ukoll l-investiment għall-ġejjieni. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li jiġu adottati l-inizjattivi li ġejjin sabiex jittaffa kemm jista’ jkun l-effett ta’ dawn il-fatturi:

L-armonizzazzjoni ta’ opportunitajiet u programmi marbuta mal-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Bħalissa fl-UE teżisti firxa sħiħa ta’ opportunitajiet biex iħeġġu l-innovazzjoni, iżda dawn l-opportunitajiet ħafna drabi jkunu sparpaljati u ma jkunux tassew koordinati. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandu jkun hemm sforz akbar sabiex jiġi adottat approċċ koordinat għall-innovazzjoni kemm fil-Kummissjoni kif ukoll fil-korpi l-oħra li jieħdu ħsieb il-programmi marbuta mal-innovazzjoni;

It-tnaqqis kemm jista’ jkun ta’ informazzjoni żejda u l-ħolqien ta’ mod iktar koerenti u sempliċi sabiex wieħed jikseb l-informazzjoni kollha u jsir jaf bl-opportunitajiet tal-innovazzjoni u r-riċerka. Il-KESE jieħu nota li saru sforzi biex titnaqqas l-informazzjoni sparpaljata żejda. Madankollu, għad hemm ħafna xi jsir. B’mod partikolari għall-benefiċċju tal-SMEs, l-informazzjoni għandha tkun immirata, sempliċi, effettiva u koordinata;

Investiment addizzjonali fis-sistemi edukattivi billi jissaħħu programmi bħal Erasmus u Comenius, li jiftħu l-aċċess tal-istudenti għall-edukazzjoni barra minn pajjiżhom. Il-KESE jemmen li l-istadju fundamentali li fih tista’ ssir bidla fuq bażi permanenti huwa fl-edukazzjoni primarja u sekondarja. Għalhekk, l-opportunitajiet bħall-programmi msemmija hawn fuq huma element importanti fil-proċess edukattiv tal-istudenti;

L-inklużjoni tal-intraprenditorija bħala parti integrali tal-kurrikulu edukattiv. L-ispirtu intraprenditorjali huwa importanti kemm fil-qasam tar-riċerka kif ukoll fl-industrija. Għaldaqstant, din l-attitudni tkun tista’ titrawwem jekk jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tiffoka bis-sħiħ fuq l-iżvilupp ta’ mħuħ intraprenditorjali;

Għandha tittejjeb il-probabbiltà tas-sopravivenza ekonomika tal-intraprendituri żgħażagħ li jkunu qed jaħdmu fuq proċessi jew prodotti innovattivi bl-użu tat-teknoloġija avvanzata;

L-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg għar-riċerkaturi żgħażagħ mhux biss ta’ livell dinjituż, iżda wkoll ta’ livell li jiġbed l-aħjar nies lejn il-professjoni. Il-KESE jagħraf li l-kundizzjonijiet marbuta mal-professjonijiet tar-riċerka jistgħu jkunu differenti minn Stat Membru għal ieħor, iżda jisħaq li għandu jkun hemm sforz pan-Ewropew koordinat biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni;

L-impenn tal-Istati Membri kollha bħala parteċipanti importanti fil-proċess tal-innovazzjoni biex b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal tal-UE-27 u mhux biss tal-parteċipanti bl-iktar esperjenza fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

It-tisħiħ tal-istrutturi li bis-saħħa tagħhom isir skambju kostanti tal-esperjenzi bejn id-dinja akkademika u l-industrija.

1.4.   Il-KESE jirrikonoxxi li r-riċerka u l-innovazzjoni mhumiex biss kwistjoni li tiġi ttrattata fl-universitajiet u d-dipartimenti speċjalizzati tal-kumpaniji, iżda kwistjoni li tolqot lil kulħadd. Hemm riżorsi enormi fin-nies kollha fuq il-post tax-xogħol, u l-kunċett “tal-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati” għandu jiġi żviluppat aktar. Il-kunċett għandu jiġi kkundsidrat fil-kuntest tal-kooperazzjoni fuq il-post tax-xogħol, tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-ħidma fil-kunsilli tax-xogħlijiet.

1.5.   Il-KESE jemmen li l-Aġenda ta’ Liżbona l-ġdida għal wara l-2010 m’għandhiex tinkludi biss mira li l-Istati Membri jinvestu fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, iżda wkoll mira li perċentwali mill-PGD imur għall-edukazzjoni għaliex dan, skont il-KESE, iħeġġeġ l-innovazzjoni. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li fl-Aġenda ta’ Liżbona l-ġdida għal wara l-2010 għandu jkun hemm dawn il-miri li ġejjin:

7 % tal-PGD għall-edukazzjoni mill-primarja sal-edukazzjoni għolja;

1 % tal-PGD għar-riċerka u l-iżvilupp pubbliku;

2 % tal-PGD għall-investimenti privati fir-riċerka u l-iżvilupp.

1.6.   Il-KESE jistqarr ukoll li fil-futur l-aktar pajjiżi u kumpaniji kompetittivi ser ikunu dawk b’livell għoli ta’ produzzjoni sostenibbli, b’teknoloġija ġdida b’saħħitha u bi produzzjoni msejsa fuq livell għoli ta’ ekoeffiċjenza. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tinkludi l-ekoefficjenza fil-politiki tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika industrijali, il-politika tat-trasport, il-politika tal-enerġija u l-klima, il-politika soċjali u tal-impjiegi, u li tappoġġja kooperazzjoni stretta u iktar b’saħħitha bejn id-diversi oqsma ta’ politika.

1.7.   Il-Kumitat jara periklu serju ieħor minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali: ħafna kumpaniji jistgħu jsibu ruħhom imġiegħla jnaqqsu l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tagħhom u jieqfu jimpjegaw in-nies; b’hekk dawk li jiggradwaw mill-università jew mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja teknika ma jsibux xogħol. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex proprju f’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi diffiċli jaħdmu kontra din it-theddida tal-qgħad fost ix-xjentisti u l-inġiniera żgħażagħ permezz ta’ politika ta’ reklutaġġ antiċiklika fi ħdan l-istituzzjonijiet tar-riċerka li jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat, u biex ikomplu jippromovu l-interess fl-istudji tekniċi u xjentifiċi.

2.   Il-kompetittività

2.1.   Fil-fehma tal-KESE huwa essenzjali li terġa’ titnieda l-kompetittività tal-UE b’għażliet speċifiċi u b’ħafna aktar riżorsi. Dan għandu jsir bil-parteċipazzjoni sħiħa ta’ kull kompetenza u struttura xjentifika u teknika minn madwar il-Komunità. Huwa biss bis-saħħa ta’ sinerġija effiċjenti bejn politika ta’ innovazzjoni mnedija mill-ġdid u l-firxa sħiħa tal-politiki Komunitarji li l-Unjoni Ewropea tista’ tirkupra u tibni s-sisien ta’ mudell tal-iżvilupp ġdid li bis-saħħa tiegħu tkun tista’ tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-esportazzjoni tagħha meta mqabbla mal-pajjiżi emerġenti, li jistgħu jibbenefikaw minn spejjeż tax-xogħol baxxi.

2.2.   Il-KESE jemmen li l-enfasi fuq il-kompetittività fl-Ewropa għandha tinfirex iktar u b’hekk m’għandhiex tiġi kkalkulata skont il-PGD tal-Istati Membri biss. Għaldaqstant, wieħed għandu jersaq lejn approċċ iktar olisitiku tal-kompetittività filwaqt li ssir enfasi fuq il-kompetittività sostenibbli. Hemm diversi miżuri li jistgħu jittieħdu biex tinkiseb tali kompetittività, u dawn jistgħu jintużaw bħala strumenti. Fil-fatt, id-dokument ta’ referenza tal-proġett Paradiso (li sar mill-membri tal-Club of Rome) jippreżenta għadd ta’ miżuri bħal dawn. Il-KESE jisħaq li għandha tiġi adottata miżura ġdida li tqis l-istrumenti eżistenti. Din il-miżura l-ġdida għandha tindirizza dawn il-kunċetti li ġejjin: applikazzjonijiet soċjali sostenibbli, xenarji ekonomiċi sostenibbli u sostenibbiltà għall-pjaneta tagħna.

2.3.   Fil-kuntest tar-reċessjoni fid-dinja industrijalizzata u l-prospetti negattivi għall-ekonomija tal-UE, il-Kumitat beħsiebu jgħin fl-identifikazzjoni tar-reazzjonijiet meħtieġa biex tingħeleb din il-kriżi. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Presidenza Ċeka biex iħejji opinjoni esploratorja dwar ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività.

2.4.   Il-Kumitat huwa konvint li l-intrapriżi li jkunu jistgħu jikkompetu fis-swieq ta’ prodotti tradizzjonali ta’ kwalità għolja u ta’ teknoloġija avvanzata biss jistgħu joħorġu bħala protagonisti, u jirkupraw malajr, minn fażi negattiva bħal dik li għaddejjin minnha bħalissa. L-uniku mezz biex jitħares il-ġejjieni huwa permezz ta’ impenn imsaħħaħ fir-riċerka u l-innovazzjoni. Huwa ċar li dawk li investew fir-riċerka fil-passat issa għandhom l-istrutturi u r-riżorsi umani adatti u għaldaqstant għandhom probabbiltà ogħla li jegħlbu l-kriżi qabel u b’iktar suċċess minn dawk li ma tawx kas dan l-impenn.

3.   Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

3.1.   Il-KESE jagħraf li r-riċerka u l-iżvilupp jixprunaw l-innovazzjoni. L-innovazzjoni industrijali għandha tiġi indirizzata matul dan il-perijodu partikolarment sensittiv li għaddejja minnu l-Ewropa bħalissa. Bħala reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività ekonomika u r-reċessjoni dejjem tikber, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-proċess innovattiv jingħata spinta ’l quddiem bil-għan li l-progress isir “fattur ġenwin tal-kompetittività”, ibbażat fuq pilastri fundamentali li jkunu jistgħu jagħtu l-ħajja mill-ġdid lis-sistema industrijali Ewropea b’mod effettiv billi jagħmlu użu attiv mill-vantaġġi li jipprovdi suq intern akbar. Dawn il-pilastri huma:

ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;

l-appoġġ għall-investimenti; u

impenn imsaħħaħ u mġedded għat-taħriġ.

3.2.   Jidher ċar li l-UE għamlet sforzi konsiderevoli fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Minkejja dan, billi l-kriżi hija waħda serja ħafna, hemm bżonn iktar investiment. Il-KESE jixtieq jara iktar sforzi għall-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tal-innovazzjoni li nkisbu permezz tal-programmi ta’ riċerka. Barra minn hekk, il-KESE huwa favur iktar trasparenza fil-proċess tal-allokazzjoni tal-fondi u fil-proċess tal-evalwazzjoni.

Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdi iktar stimulu għall-innovazzjoni. Dan jidher ċar mill-allokazzjoni tal-fondi għall-Green Cars Initiative (l-inizjattiva ekoloġika għall-karozzi), l-inizjattiva tal-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija (Energy Efficient Buildings Initiative), u l-Inizjattiva tal-Fabbriki tal-Futur. Dawn kollha huma intiżi biex jistimulaw ir-riċerka f’dawn it-tliet oqsma li ntlaqtu minn din il-kriżi ekonomika.

3.3.1.   L-Ewropa investiet ħafna fl-istrutturi li jippromovu r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (RŻT) u l-evidenza ta’ dan tinsab fl-istrutturi u l-programmi tad-diversi sistemi ċentrali, nazzjonali u reġjonali.

4.   It-trijangolu tal-għarfien

4.1.   Huwa ċar li sabiex jiġi garantit livell effettiv ta’ innovazzjoni u RŻT fl-industrija, it-tliet komponenti tat-trijangolu tal-għarfien għandhom jintużaw b’mod effettiv fil-proċess kollu.

4.2.   Fil-fehma tal-Kumitat, wieħed mill-għanijiet fundamentali ser ikun li jinkiseb livell għoli ta’ kooperazzjoni bejn ir-riċerka pubblika u dik privata, l-istudji universitarji u l-industrija. Dan jidher li huwa essenzjali biex jinħoloq ċirku virtuż għall-kompetittività Ewropea.

4.3.   Dan l-aħħar ġiet adottata opinjoni speċifika dwar dawn it-temi bl-isem ta’ “Il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni” (INT/448). L-iskop ta’ din l-opinjoni huwa li ssir analiżi bir-reqqa tal-istadju attwali fuq il-bażi tar-riżultati miksuba u l-perspettivi għall-ġejjieni, filwaqt li tingħata attenzjoni lill-ostakli li jridu jitneħħew permezz tat-trasferiment rapidu u effiċjenti tal-għarfien bejn żewġ oqsma li ilhom wisq ’il bogħod minn xulxin mingħajr ma jikkomunikaw.

4.4.   Fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-industrija, il-KESE appoġġja u laqa’ t-twaqqif ta’ konsorzji ta’ riċerka ffinanzjati b’mod konġunt minn fondi pubbliċi u privati, bħall-iskema proposta dan l-aħħar tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK), li l-Kumitat laqa’ b’mod pożittiv, u talab li tiġi implimentata u applikata b’mod wiesa’ mill-aktar fis possibbli (1). Il-Kumitat tkellem favur l-estensjoni ta’ dawn l-inizjattivi biex jinkludu setturi oħrajn, billi dawn mhux biss jiddefinixxu s-sħubijiet pubbliċi/privati u l-allokazzjoni ugwali tar-riżorsi sa mill-bidu nett iżda joffru wkoll lill-istrutturi universitarji, iċ-ċentri ta’ riċerka pubbliċi u privati u l-korpi xjentifiċi rappreżentattivi l-possibbiltà li jsiru membri ta’ dawn l-intrapriżi.

4.5.   F’dan l-istadju, il-KESE jixtieq itenni t-talba urġenti tiegħu – li kien għamel f’opinjoni preċedenti (INT/335) – li jinħoloq strument attiv għall-koordinazzjoni u l-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn id-dinja akkademika u n-negozju, li diġà ġie identifikat mill-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT). Il-Kumitat iqis li dan l-Istitut għandu jibda jaħdem b’mod sħiħ mill-iktar fis possibbli billi jingħata r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa.

4.6.   Il-KESE jemmen li r-rwol msemmi hawn fuq tal-koordinazzjoni Komunitarja fil-qasam tat-teknoloġija, permezz ta’ kooperazzjoni ġenwina u interface bejn l-universitajiet u l-industrija, huwa wieħed essenzjali. Dan huwa l-fattur deċiżiv għall-iżvilupp tat-tip ta’ prodotti u proċessi innovattivi li huma essenzjali għall-kompetittività tas-sistema industrijali tal-UE.

5.   Il-fatturi li jxekklu l-adozzjoni effettiva tar-riċerka u l-iżvilupp għall-innovazzjoni

5.1.   Sabiex ikollna stampa iktar preċiża tal-pożizzjoni attwali tal-Ewropa fil-kamp tal-innovazzjoni, hemm bżonn nanalizzaw il-fatturi li bħalissa qed ixekklu l-istimuli tal-innovazzjoni.

5.2.   Il-KESE jidentifika għadd ta’ fatturi ta’ dan it-tip li tradizzjonalment jistgħu jiġu deskritti kif ġej:

l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom inqas tendenza li jħeġġu liż-żgħażagħ biex jagħżlu karrieri fir-riċerka;

il-kundizzjonijiet ħżiena tar-riċerkaturi żgħażagħ meta mqabbla ma’ dawk ta’ riċerkaturi żgħażagħ f’pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti u ma’ professjonijiet oħra ftit li xejn jiġbdu riċerkaturi żgħażagħ tajbin lejn il-professjoni;

l-istituzzjonijiet tar-riċerka ma tantx huma aġġornati dwar il-ħtiġijiet ekonomiċi tal-industrija;

l-industrija mhux bilfors tisfrutta l-opportunitajiet ta’ innovazzjoni identifikati mill-istituzzjonijiet tar-riċerka.

5.3.   Il-KESE daħal aktar fil-fond u identifika xi fatturi oħra:

m’hemmx biżżejjed stimuli u taħriġ fl-intraprenditorija fil-kultura Ewropea, u dan jibda mill-iskejjel Ewropej; għalhekk l-appoġġ għall-intraprendituri żgħażagħ u l-prekondizzjonijiet ekonomiċi u l-opportunitajiet tal-kumpaniji ż-żgħar b’teknoloġija avvanzata li jirnexxu fl-ewwel ħames snin huma żgħar ħafna u b’hekk mhumiex stimulanti biżżejjed;

jista’ jkun li l-kultura akkademika ma twassalx għat-tip ta’ riċerka li tippromovi l-kompetittività;

jista’ jkun li l-kultura industrijali ma twassalx għall-esplorazzjoni tal-bidla u l-proattività;

inqas parteċipazzjoni fi programmi ta’ innovazzjoni u fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa ta’ xi Stati Membri tal-UE, partikolarment it-12-il Stat Membru li ssieħbu dan l-aħħar.

6.   Fattur essenzjali għall-innovazjoni u l-kompetittività: it-taħriġ vokazzjonali

6.1.   Sabiex il-programmi u l-prijoritajiet stabbiliti fil-livell Komunitarju jissarrfu f’kompetittività ta’ livell għoli jinħtieġu riżorsi umani ta’ livell professjonali għoli li jinkisbu permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ li mill-inqas ikunu ekwivalenti għall-ogħla standards internazzjonali.

6.2.   Il-kapital uman huwa tabilħaqq l-iktar riżors importanti għar-riċerka u l-iżvilupp. Sa mill-bidu tagħha l-Unjoni Ewropea dejjem irrikonoxxiet il-bżonn li l-edukazzjoni u l-kultura tagħmel parti mill-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. L-Artikolu 127 tat-Trattat ta’ Ruma (l-Artikolu 150 tat-TKE) jistipula li: “il-Komunità għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.”

6.3.   Sas-snin tmenin kien hemm bosta stqarrijiet ta’ intenzjoni iżda fil-prattika ftit li xejn ittieħdu azzjonijiet b’rabta mat-taħriġ vokazzjonali. Il-folja nqalbet meta daħlet il-Eurydice, in-netwerk uffiċjali għall-ġbir, monitoraġġ u tqassim tal-informazzjoni dwar is-sistemi u l-politiki edukattivi fl-Ewropa. Fl-1985 ġiet stabbilita bażi legali għall-politika tal-edukazzjoni u fiha l-kunċett ta’ “taħriġ vokazzjonali” ġie interpretat b’mod ġenerali biex ikopri kull forma ta’ tagħlim li jħejji lil dak li jkun għal professjoni, sengħa jew impjieg, inkluża l-edukazzjoni għolja.

6.4.   Dan jista’ jitqies bħala l-istadju li fih it-taħriġ sar prijorità għall-politiki Komunitarji u b’hekk wassal għall-ewwel programmi Komunitarji fil-qasam (COMETT, ERASMUS, LINGUA għall-edukazzjoni għolja u PETRA, EUROTECNET u FORCE għat-taħriġ vokazzjonali).

6.5.   L-impatt ta’ dawn il-programmi fuq ir-rwol tat-taħriġ fil-livell Komunitarju nistgħu narawh, pereżempju, permezz tal-programm ERASMUS li, minkejja xi ostakli inizjali minn ċerti Stati Membri, matul għoxrin sena wassal sabiex kważi 1 500 000 żagħżugħ u żagħżugħa u 250 000 għalliem iqattgħu perijodu ta’ żmien jitgħallmu jew jgħallmu f’università barra minn pajjiżhom, u dan ħalla impatt pożittiv fuq il-progress tal-proċess kollu tal-integrazzjoni Ewropea.

6.6.   Wara perijodu twil li fih tressqu bosta proposti dwar il-livelli kollha ta’ taħriġ – mill-iskola primarja sal-Università – fl-Istrateġija ta’ Liżbona, f’Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-għan strateġiku li l-Unjoni Ewropea ssir “l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika fid-dinja, ibbażata fuq l-għarfien”. Fl-2002 il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona reġa’ stqarr dan ir-rwol importanti u stabbilixxa l-mira li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ Ewropej isiru “referenza ta’ kwalità dinjija sal-2010”.

6.7.   Il-KESE jagħraf li karriera fir-riċerka tista’ ssir biss minn żgħażagħ b’ħiliet partikolari; għaldaqstant dan it-tip ta’ persuni għandhom jinġibdu lejn din il-professjoni. Ir-riċerkaturi, l-universitajiet u s-soċjetà investew fl-akkwist u l-iżvilupp tal-għarfien speċjalizzat. Għalhekk huwa kruċjali li l-investiment ma jsirx għalxejn. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-finanzjament tal-istituzzjonijiet tar-riċerka jiġu ppjanat għal perijodu twil ta’ żmien. Dawn l-inċentivi diġà ġew deskritti f’opinjoni oħra tal-KESE (2).

7.   Mill-perspettiva tal-SMEs

7.1.   Jeżistu ostakli oħra fil-livell tal-SMEs, u l-KESE jemmen li dak prinċipali huwa l-fatt li l-SMEs m’għandhomx riżorsi biżżejjed biex jinvestu fir-riċerka u jisfruttaw l-ideat u l-opportunitajiet innovattivi għar-riċerka. Hemm tipi differenti ta’ opportunitajiet iżda l-abbundanza ta’ informazzjoni u opportunitajiet fiha nnifisha hija ostaklu ieħor għaliex tgerrex lin-nies.

7.2.   Madankollu, il-KESE jtenni kemm hu importanti li jinħoloq kuntest favorevoli għall-parteċipazzjoni diretta tal-SMEs fl-inizjattivi Komunitarji ta’ riċerka u innovazzjoni – kif inhu stabbilit fl-azzjonijiet importanti tal-programm tal-“Kapaċitajiet” tas-Seba’ Programm Qafas – billi hemm ħafna minnhom u huma importanti għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

7.3.   Il-parteċipazzjoni tal-SMEs ħafna drabi tkun diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ proċeduri adatti għad-daqs tagħhom li, flimkien man-nuqqas ta’ kapital riskjuż meħtieġ fil-fażi tal-bidu, jikkostitwixxi r-raġuni prinċipali għalfejn isibuha diffiċli li jieħdu sehem. Fil-fatt, filwaqt li l-intrapriżi l-kbar għandhom uffiċċji strutturati sew u l-informazzjoni neċessarja biex iressqu t-talbiet għall-fondi tal-programmi, l-intrapriżi ż-żgħar ħafna drabi jiddeċiedu li ma jressqux it-talbiet tagħhom meta jiffaċċjaw il-burokrazija eċċessiva involuta biex issir talba, jitħejja kuntratt u fil-ġestjoni amministrattiva sussegwenti.

7.4.   Minħabba dawn il-fatturi kollha huwa diffiċli li jinkiseb l-għan strateġiku li jidher fl-opinjonijiet kollha tal-KESE dwar ir-rwol parteċipatorju tal-SMEs, minkejja li dawn il-kumpaniji għandhom potenzjal immens fil-qasam tal-innovazzjoni. Il-KESE mill-ġdid isejjaħ għas-semplifikazzjoni tar-regoli meħtieġa għall-parteċipazzjoni tal-SMEs. Dawn għandhom potenzjal kreattiv konsiderevoli u jikkostitwixxu preżenza fundamentali billi jinsabu qrib l-istennijiet u d-domandi tas-soċjetà ċivili biex jinħolqu prodotti ġodda.

8.   Kummenti oħra

8.1.   L-impenn fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa komponent essenzjali ta’ kull ekonomija moderna, però ma nistgħux ninsew li l-proċess stess għandu jkun ibbażat fuq produzzjoni ekoloġika, protezzjoni rigoruża tal-valuri tagħna u difiża soda tal-mudell soċjali Ewropew.

8.2.   Sabiex politika ġdida msejsa fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni ssir realtà u twassal sabiex is-sistema Ewropea terġa’ ssir kompetittiva meta mqabbla ma’ ekonomiji avvanzati u ma’ pajjiżi li l-ekonomija tagħhom għadha qed tiżviluppa, jeħtieġ li nidħlu għal impenn strateġiku u nżidu r-riżorsi b’mod sostanzjali, kemm dawk umani kif ukoll dawk ekonomiċi, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tilħaq livell għoli ta’ eċċellenza xjentifika globali.

8.3.   Il-KESE jisħaq ukoll li l-prerekwiżit għall-innovazzjoni u l-kompetittività huwa t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni adatti li jiġu organizzati mill-istituzzjonijiet tat-taħriġ – mill-iskola primarja sal-università – sabiex iż-żgħażagħ jitħajru għal karriera fix-xjenza. Dan jiggarantixxi li jkun hemm riżorsi umani b’livell għoli ta’ professjonaliżmu u motivazzjoni permezz tal-opportunitajiet tat-taħriġ tal-ogħla standards internazzjonali.

8.4.   Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi, Joaquín Almunia, ipprovda d-data dwar “it-tbassir ekonomiku intermedju” lis-27 Stat Membru u din kienet inkwetanti għall-aħħar. It-tbassir jikkonferma li l-Ewropa qed tiffaċċja reċessjoni serja, bi tnaqqis medju tal-PGD ta’ 1,8 %. Fil-każ tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, it-tbassir huwa daqstant ieħor inkwetanti għal dawk il-pajjiżi li minn dejjem mexxew l-ekonomija Ewropea, bħall-Ġermanja (–2,3 %). L-Irlanda ntlaqtet serjament mill-kriżi finanzjarja (–5 %), kif intlaqtu wkoll Spanja, l-Italja (–2 %) u Franza (–1,8 %). Skont dan it-tbassir, it-tnaqqis fil-PGD Ewropew ser ikollu effett diżastruż fuq l-impjiegi; ir-rata tal-qgħad se titla’ għal 8,2 % u se jintilfu 3,5 miljun impjieg, u d-defiċit ta’ 12 minn 27 Stat Membru ser ikun ogħla mil-limitu ta’ 3 % stabbilit fit-Trattat ta’ Maastricht, b’rati ogħla fl-Irlanda (11 %), Spanja (6,2 %) u Franza (5,4 %).

8.5.   Din id-data tirreferi għal Jannar 2009, iżda diġà tidher ’il bogħod mir-realtà attwali. Il-Kummissarju diġà tkellem dwar din il-kwistjoni f’diversi okkażjonijiet, u wissa dwar id-deterjorazzjoni gradwali u kontinwa tal-ekonomija u dwar il-fatt li sal-2010 ser jintilfu 6 milljun impjieg. Waqt diskors fil-KESE, il-Kummissarju Almunia stqarr li, skont l-iktar data reċenti, it-tbassir ekonomiku għal Jannar li għadda ser ikollu jiġi rivedut b’aktar tnaqqis.

8.6.   Sabiex jitkejlu id-diskrepanza li għadha teżisti u d-distakk mill-mira meħtieġa għall-irkurpu ekonomiku fil-livell Komunitarju, kulma għandna nagħmlu huwa li nqabblu l-investimenti li saru fl-Ewropa ma’ dawk li saru fl-Istati Uniti. Fl-Istati Uniti sar investiment konsistenti ta’ 3 % tal-PGD fir-riċerka, filwaqt li fl-Unjoni Ewropea sar investiment ta’ 2 % biss, u xi Stati Membri għadhom ’il bogħod ħafna mill-mira ta’ 3 % stabbilita fl-Istrateġija ta’ Liżbona. U llum il-ġurnata, f’dan il-perijodu l-ġdid ta’ reċessjoni, anke din il-mira tidher insuffiċjenti għalkollox f’termini kwantitattivi.

8.7.   Din l-istampa tant negattiva turi ċar u tond kemm l-Ewropa għadha lura u kemm għad hemm bżonn isir sforz biex jerġa’ jinkiseb livell għoli biżżejjed ta’ kompetittività f’xena industrijali internazzjonali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, l-iktar minħabba l-ekonomiji emerġenti.

8.8.   Għaldaqstant, l-Ewropa għandha tkun taf tisfrutta r-riżultati pożittivi mill-investiment fl-għarfien (ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali) sabiex issir aktar kompetittiva, u għandha tisfrutta wkoll it-tkabbir tal-ekonomiji industrijalizzati u tavvanza f’dik id-direzzjoni.

8.9.   Ir-rapporti juru li l-kumpaniji jibbenefikaw iktar mir-riċerka tagħhom jekk jikkooperaw mal-impjegati, jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom u jorganizzaw il-post tax-xogħol b’tali mod li l-ideat tal-impjegati jkunu jistgħu jiġu żviluppati u jsiru l-politika tal-kumpanija.

8.10.   L-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati poġġiet lill-kumpaniji f’qagħda aħjar, iffrankatilhom ħafna flus u saħħitilhom il-kompetittività tagħhom. Dan il-kunċett, li għandu jiġi appoġġjat, jista’ jkun siewi meta ngħidu li aħjar naħdmu b’mod aktar intelliġenti milli naħdmu aktar.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 19; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 11; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 15; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 19; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 22.

(2)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 3.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-ostakli leġiżlattivi fl-Istati Membri għall-kompetittività tal-UE”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2009/C 277/02)

Rapporteur: is-Sur Joost van IERSEL

F’ittra datata s-27 ta’ Ġunju 2008, is-Sur Alexandr Vondra, id-Deputat Prim Ministru responsabbli għall-Affarijiet Ewropej, f’isem il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex ifassal opinjoni espoloratorja dwar

l-impatt tal-ostakli leġiżlattivi fl-Istati Membri fuq il-kompetittività tal-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur van Iersel.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’198 vot favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Is-Suq Intern bħala għan politiku ġenerali li jistimola t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li joħloq żvilupp sostenibbli, jinsab fil-qalba tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Is-Suq Uniku rnexxa ħafna fis-sens li neħħa għadd kbir immens ta’ ostakli leġiżlattivi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-konsumaturi, l-intrapriżi u s-soċjetà b’mod ġenerali (1). F’dan il-kuntest, l-istat tad-dritt huwa prinċipju essenzjali.

1.2.   Iżda għall-kuntrarju ta’ dak li spiss jingħad li s-Suq Intern huwa komplut, id-dinamika ekonomika teħtieġ sforzi kontinwi biex jinħolqu Suq Uniku ġenwin għall-atturi ekonomiċi pubbliċi u privati madwar l-UE. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni tal-UE għadha mhix biżżejjed biex tkopri oqsma importanti bħal dawk tal-finanzi u l-enerġija. Meta titqies is-sitwazzjoni attwali, hemm bżonn urġenti ta’ qafas legali effettiv għas-settur finanzjarju.

1.3.   Fl-agħar reċessjoni fl-istorja moderna u kriżi sistematika fis-swieq finanzjarji, l-irkupru tal-fiduċja u l-kunfidenza huma kruċjali. Sabiex tissolva din il-kriżi, il-politiki ta’ bħalissa jridu jitfasslu mill-ġdid, l-iktar fis-settur finanzjarju. Sabiex jingħelbu r-riskji tal-protezzjoniżmu u tan-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tal-politiki u biex jiġu mħarsa s-swieq miftuħa fl-UE u lilhinn minnha, jeħtieġ li l-UE tieħu direzzjoni politika ċara mill-aktar fis. Il-KESE jitlob impenn sod u kontinwu min-naħa tal-Kunsill u l-Istati Membri kontra l-protezzjoniżmu u l-frammentazzjoni tas-suq.

1.4.   Miżuri li jittieħdu biex itaffu l-impatt tal-kriżi, bħall-intervenzjoni diretta mill-Istat fil-banek jew il-proprjetà statali tal-banek kif ukoll l-istimuli fiskali u finanzjarji speċifiċi, minkejja li huma meħtieġa fil-kriżi attwali, ma jridux ifixklu l-għanijiet mifthiema fl-UE għall-perijodu medju u fit-tul, jew jheddu kundizzjonijiet qafas eżistenti li kienu ta’ suċċess, inklużi r-regoli li japplikaw għall-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Inkella tinħoloq il-possibbiltà ta’ distorsjonijiet kbar fil-kompetizzjoni. Fl-istess ħin huwa importanti li nitgħallmu mill-kriżi liema regolamenti u miżuri finanzjarji għandhom jiġu implimentati bħall-iżvilupp sostenibbli fuq perijodu fit-tul.

1.5.   It-tnaqqis f’daqqa ta’ bħalissa fl-attività ekonomika jeħtieġ ambjent robust, reżistenti u ġust għan-negozju u l-ħaddiema Ewropej sabiex jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-progress soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. L-Aġenda ta’ Liżbona-Göteborg (2) għadha fundamentali għat-tkabbir u l-impjiegi u biex tiġi promossa l-vitalità u l-innovazzjoni fl-UE u fid-dinja.

1.6.   F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni aħjar u l-inizjattivi kollha relatati fil-livell tal-UE, il-kwalità tat-traspożizzjoni korretta, u l-infurzar fil-livell tal-Istati Membri u dak reġjonali huma ta’ importanza kbira. L-atturi ewlenin, jiġifieri l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri nfushom għandhom jibqgħu impenjati bis-sħiħ favur dawn l-għanijiet.

1.7.   Sabiex ikun hemm gveranza tajba, apparti mill-atturi tal-gvern, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jagħmlu l-biċċa tagħhom u jħossuhom koresponsabbli u responsabbli fil-proċess kollu kemm hu.

1.8.   L-integrazzjoni Ewropea hija ċertament appoġġjata bil-kapitoli l-ġodda bħall-Approċċ il-Ġdid u l-Pakkett tal-Oġġetti 2008, bit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

1.9.   L-iżviluppi riċenti jikkonfermaw mill-ġdid it-talba li ilu jagħmel il-KESE biex il-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-trattati, tirċievi aktar riżorsi, minflok isirilha tfixkil, kif jiġri ħafna drabi, sabiex tiżgura b’mod effikaċi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konsistenti mar-rekwiżiti legali tal-UE.

1.10.   Fl-2009, l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Direttiva tas-Servizzi se tiftaħ mezzi ġodda għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-kumpaniji. Madankollu, għandu jsir monitoraġġ effettiv biex ma jitbaxxewx il-livelli soċjali, ambjentali, tal-kwalità u tas-sigurtà.

1.11.   It-tneħħija ta’ ostakli legali, u l-mod li bih issir, teħtieġ, b’mod partikolari llum, strateġija tal-komunikazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Din il-komunikazzjoni għandha ssaħħaħ il-kredibbiltà tal-UE u trawwem il-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-kumpaniji kontra l-ewroxettiċiżmu.

1.12.   It-tneħħija ta’ ostakli legali, ir-regolamentazzjoni aħjar u kundizzjonijiet qafas mifthiema fl-UE ser jappoġġaw il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati ma’ gruppi ta’ kummerċ oħrajn fid-WTO u r-round ta’ Doha.

1.13.   Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE tista’ tieħu xi lezzjonijiet mill-istorja tagħha li ż-żminijiet diffiċli jafu jwasslu wkoll għal passi benefiċjali ‘l quddiem. Il-kriżi tas-snin sebgħin u kmieni fis-snin tmenin fl-aħħar seklu ikkonfermat ir-rieda politika għall-unità monetarja, u fl-1985 wasslet għall-Att Uniku li serva bħala bażi għall-‘Ewropa 1992', it-triq lejn il-kompletar tas-Suq Intern.

2.   Daħla

2.1.   Din l-opinjoni esploratorja, li qed titfassal mill-KESE fuq talba tal-Presidenza Ċeka dwar l-“Ostakli Leġiżlattivi għall-Kompetittività” qed tiffoka fuq il-ksib ta’ Suq Intern ħieles minn ostakli amministrattivi (mhux ġustifikati) u bbażat fuq regolamentazzjoni aħjar. Is-Suq Uniku jfisser li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jingħataw ambjent ġuridiku ċert u sigur li jippermetti l-moviment ħieles tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital madwar l-UE.

2.2.   Fil-programm tagħha, il-Presidenza Ċeka attwali tikkonċentra b’mod partikolari fuq l-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi u t-tneħħija ta’ aktar ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’konformità mar-Reviżjoni tal-Istrateġija tas-Suq Intern. Dawn l-għanijiet huma meqjusa korrettament fil-perspettiva usa’ tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u l-Istrateġija ta’ Liżbona, u r-reviżjoni u l-modifiki li jistgħu jsiru fl-2010.

2.3.   L-istess qafas jinkludi r-rabta bejn ir-Regolamentazzjoni Aħjar (3), l-użu aħjar tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni li għaddejja tal-miżuri li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-intrapriżi kif ukoll ta’ appoġġ għal Small Business Act għall-Ewropa u politika industrijali sostenibbli għall-UE, inkluża politika xierqa għall-innovazzjoni.

2.4.   Dawn l-intenzjonijiet u proposti jridu jitwettqu fl-eqqel ta’ xejra ta’ tnaqqis ekonomiku qawwi (4). Huma juru biċ-ċar li l-Presidenza, b’konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, fil-Programm tagħha tipprevedi li jinżammu l-istess linji strateġiċi kif definiti fi żminijiet aħjar. B’hekk il-Presidenza qed timmira wkoll li tagħti spinta ġdida lill-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida.

2.5.   Il-Presidenza tixtieq iżżomm il-politiki strateġiċi għaddejjin mal-iskeda oriġinali, ikunu xi jkunu l-miżuri meħtieġa fuq medda qasira ta’ żmien biex jassorbu x-xokkijiet kbar għal għarrieda fl-ekonomija, li jaffettwaw is-setturi, l-investimenti u l-impjiegi.

2.6.   It-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp addizzjonali spontanju tan-negozji fl-Ewropa hija l-punt ewlieni ta’ din l-Opinjoni. F’dak is-sens, it-tisħiħ tal-kompetittività għandu jiġi definit bħala r-rinfurzar tal-kundizzjonijiet indaqs fl-UE billi l-bażi komuni tal-leġiżlazzjoni ssir effiċjenti kemm jista’ jkun.

2.7.   Wieħed mill-pedamenti ta’ dan il-proċess huwa l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar li tiffoka fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt, is-semplifikazzjoni, l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda fejn xieraq u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi b’25 % sal-2012 (5).

2.8.   Din l-Opinjoni tiffoka fuq it-tneħħija ta’ ostakli leġiżlattivi u r-regolamentazzjoni effettiva li tibni mill-ġdid il-fiduċja fis-swieq, billi tqis id-dimensjonijiet dejjem aktar globalizzati tal-kompetittività. Aktar ma l-qafas regolatorju tas-Suq Intern jaħdem tajjeb, aktar tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-UE fix-xena dinjija.

2.9.   Il-KESE diġà esprima ruħu fuq għadd ta’ oqsma. Billi l-kwistjoni tal-kompetittività hija wiesgħa ħafna, din l-Opinjoni se tiffoka fuq għażla ta’ suġġetti li huma partikolarment urġenti fis-sitwazzjoni ta’ bħalissa.

2.10.   Diġà saru żviluppi impressjonanti bil-ksib tas-Suq Intern. Iżda fl-istess waqt, ħadd ma jista’ jiċħad li hemm nuqqas serju ta’ armonizzazzjoni f’oqsma speċifiċi – l-enerġija, il-finanzi, il-privattiva Komunitarja (!) u bżonn konsiderevoli ta’ azzjoni fil-qasam soċjali. L-azzjonijiet kontinwi tal-gvernijiet – il-leġiżlazzjoni, il-prattiki amministrattivi – jeħtieġu attenzjoni l-ħin kollu minn perspettiva Ewropea (6).

2.11.   In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jew azzjonijiet governattivi mixtieqa spiss joħloq tfixkil sostanzjali għall-kumpaniji l-kbar u ostakli li huma ta’ ħsara għall-investimenti pan-Ewropej tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

2.12.   L-SMEs huma indispensabbli għall-kompetittività pan-Ewropea. Il-kumpaniji l-kbar huma daqstant ieħor indispensabbli għas-saħħa Ewropea. Madankollu, minħabba l-esternalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tal-proċessi tan-negozju u l-katina tal-provvista u l-valur miżjud, l-SMEs huma l-iktar li joħolqu l-impjiegi. Bħala regola, l-SMEs huma flessibbli biżżejjed biex jaġġustaw għall-produzzjoni sostenibbli meħtieġa, u spiss ikunu, bħala msieħba fil-katina tal-provvista u l-valur miżjud, l-oriġinaturi tal-invenzjonijiet u sistemi ġodda li jippromovu l-produzzjoni sostenibbli u ekoloġika.

2.13.   L-ostakli leġiżlattivi ma jolqtux biss in-negozju iżda wkoll il-moviment transkonfinali tal-ħaddiema (7). Huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali u r-regoli tas-suq tax-xogħol ikunu applikabbli għall-ħaddiema kollha (8).

3.   Kuntest u Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-kunċett tas-Suq Uniku huwa wieħed dinamiku. Il-kontenut tiegħu u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha ekonomiċi fl-Ewropa huma definiti b’għanijiet ta’ politika tal-UE xierqa u ggarantiti bil-liġi Ewropea. L-għanijiet u r-regoli jiġu aġġustati minn żmien għal żmien skont il-bidla fiċ-ċirkostanzi. Fejn ikun utli u xieraq għandhom jittieħdu, mill-iktar fis possibbli, miżuri ta’ protezzjoni għall-ħaddiema, b’tali mod li jagħmluha ċara li la l-libertajiet ekonomiċi u lanqas ir-regoli tal-kompetizzjoni ma jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet soċjali bażiċi.

3.2.   It-tnaqqis attwali fl-attività ekonomika taffettwa lilna lkoll ekonomikament u soċjalment. Żminijiet anormali x’aktarx jitolbu approċċi u soluzzjonijiet mhux tas-soltu – jiġifieri għajnuna Statali sensittiva approvata “biex tirmedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” (9) wara parir ta’ “emerġenza” mill-Kummissjoni (10) – iżda bla ma thedded il-kundizzjonijiet qafas mifthiema u kull intervent għandu jkun ġustifikat kif xieraq.

3.3.   Il-liġijiet nazzjonali spiss huma maħsuba biex iwieġbu għal kull xorta ta’ sfida fis-soċjetà moderna. F’dan l-isfond ukoll, il-programmi li għaddejjin marbuta mat-tneħħija tal-ostakli leġiżlattivi li jista’ jeżistu bejn l-Istati Membri huma meħtieġa u għandhom jiġu mħeġġa.

3.4.   Motivazzjonijiet għal tul qasir ta’ żmien jistgħu faċilment inaqqsu r-rieda politika għal azzjoni xierqa. Il-protezzjoniżmu fid-dieher jew moħbi dejjem jistenna s-siegħa tiegħu. Fiċ-ċirkostanzi attwali, aktar u aktar tinħass il-ħtieġa ta’ appell ċar għat-tkomplija ta’ dak diġà mibdi fir-rigward tal-ostakli leġiżlattivi. Aktar ma nwittu t-triq tajjeb issa, aktar issir reżistenti l-ekonomija Ewropea ’l quddiem.

Is-sitwazzjoni attwali teħtieġ sforzi msaħħa biex jiġu definiti kundizzjonijiet qafas ġodda u trasparenti fil-qasam tal-finanzi u l-enerġija.

3.5.1.   Fil-kriżi finanzjarja li għaddejja bħalissa, l-Istati reġgħu kisbu l-importanza bħala atturi prinċipali fis-sistema ekonomika billi jipprovdu għajnuna sinifikanti għall-“emerġenza” lill-istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin. Minbarra l-impatt li jista’ jkollu fuq il-finanzi pubbliċi, dan l-approċċ jista’ jwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, jekk ir-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat ma jiġux imħarsa (11) u jqiegħed il-banek aktar konformanti fi żvantaġġ.

3.5.2.   Waqt li l-KESE m’għandux dubju dwar il-ħtieġa ta’ intervent immedjat f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa importanti li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tiġi mmonitorjata (12) biex jiġu mħarsa l-koeżjoni, l-istat tad-dritt, u l-livell ta’ kompetizzjoni attwali fi ħdan is-suq Ewropew – ilkoll fatturi li huma kruċjali għaċ-ċittadini u l-ekonomija.

3.5.3.   Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet qafas u dispożizzjonijiet legali ġodda. Dawn għandhom jikkonċentraw fuq monitoraġġ Ewropew – jew li għall-inqas ikun kkoordinat strettament fil-livell Ewropew – tas-settur bankarju dwar ir-regolamentazzjoni indispensabbli u dwar il-politiki diverġenti attwali fir-rigward tal-banek (13). Il-KESE jisħaq dwar il-bżonn ta’ regolamentazzjoni u kontroll aħjar tas-settur finanzjarju kif propost mir-Rapport ta’ de Larosière f’isem il-Kummissjoni taħt il-Presidenza Ċeka (14). Minn barra s-suq bankarju, il-monitoraġġ Ewropew għandu jinkludi wkoll is-settur tal-assigurazzjoni.

3.5.4.   Id-diskussjoni li ġejja dwar l-arkitettura finanzjarja legali għandha tadotta bħala għan strateġiku qafas affidabbli għar-reżistenza futura tal-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali. Din il-perspettiva usa’ s’issa ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed.

3.5.5.   L-enerġija bħala materja prima bażika għas-soċjetà kollha f’bosta kuntesti – il-prezzijiet, l-intervent pubbliku, il-livell ta’ liberalizzazzjoni, il-kompetizzjoni, u oħrajn – tista’ tkun sors vast ta’ ostakli legali (mhux mixtieqa) li jagħmluha diffiċli li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali tassew, b’effetti negattivi possibbli f’setturi industrijali oħrajn. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakli strutturali u legali għall-kummerċ intern għandha tkun motivazzjoni importanti ħafna għall-ħolqien ta’ suq komuni tal-enerġija.

3.6.   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (OMC) (15) qajjem aspettattivi kbar dwar il-possibbiltà li l-azzjonijiet nazzjonali jkunu koordinati. Approċċ bħal dan li ma jkunx vinkolanti jħalli prerogattiva wiesgħa f’idejn l-Istati Membri, sors ta’ aktar ostakli leġiżlattivi. Approċċ iktar strutturat ikun mixtieq.

3.7.   F’dan ir-rigward, suġġett important għad-diskussjoni huwa jekk f’każijiet speċifiċi d-direttivi jew ir-regolamenti tal-UE għandhomx jintgħażlu bħala l-aktar bażi legali xierqa għall-armonizzazzjoni. Bl-istess konvinzjoni, il-KESE jenfasizza li aktar promozzjoni tal-istandardizzazzjoni, li twassal fost oħrajn għal ambjent trasparenti u titjib fl-interoperabbiltà, hija f’ħafna każi l-aktar għażla fejjieda.

L-ostakli għal ambjent kompetittiv fl-Ewropa jieħdu diversi forom. Huma jistgħu jinġabru f’diversi kategoriji li kull waħda minnhom teħtieġ trattament għaliha:

3.8.1.   L-ewwel kategorija tkopri l-ostakli eżistenti faċċjati mill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fi Stat Membru ieħor. Dawn it-tipi ta’ ostakli jistgħu joħorġu mil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti jew il-proċeduri amministrattivi nazzjonali li ma jiddependux mil-leġiżlazzjoni Ewropea jew it-traspożizzjoni tagħha per se, u huma b’hekk diffiċli biex negozju li jkollu ħsieb jopera b’mod transkonfinali jipprevedihom minn qabel.

3.8.2.   L-integrazzjoni Ewropea mhux bilfors iġġib magħha tnaqqis fir-regoli nazzjonali, anzi pjuttost il-kuntrarju. Ta’ spiss, regoli nazzjonali (addizzjonali) bħal dawn jikkawżaw aktar ostakli. Barra minn dan, fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, dispożizzjonijiet legali speċjali faċilment jistgħu joħolqu effett ta’ protezzjoniżmu.

3.8.3.   Tip ieħor ta’ ostaklu jista’ jiġi mill-inizjattivi eżistenti bħall-punti ta’ provvista ċentralizzati (one-stop-shops), li huma diġà operattivi iżda li ma jaħdmux għal kollox kif mistenni. Dan jista’ jirriżulta minn insuffiċjenza ta’ riżorsi jew tipi oħra ta’ problemi bħad-disponibbiltà tal-informazzjoni bil-lingwa tal-pajjiż biss.

3.8.4.   Ir-raba’ tip ta’ ostakli jinħoloq minn inizjattivi mixtieqa għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali fis-suq, iżda li ma jitwettqux jew jitwettqu biss parzjalment. Din ix-xorta ta’ ostaklu ġejja min-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea jew il-liġijiet tal-Istati Membri (16).

3.8.5.   Hawnhekk għandna nsemmu ostakli speċifiċi kkawżati, fost oħrajn, mill-qasma bejn l-Istati taż-Żona tal-Euro u l-Istati Membri l-oħra, il-lingwi ta’ ħidma obbligatorji tal-UE u r-reġimi differenti ta’ tassazzjoni u bażijiet ta’ taxxa.

3.9.   Uħud mill-ostakli msemmija huma riżultati indiretti tal-karatteristiċi tas-sistemi amministrattivi u leġiżlattivi nazzjonali. Dan għandu jwassal għal enfasi qawwija fuq il-konverġenza fit-trattament tal-problemi transkonfinali.

3.10.   Stimulu finanzjarju speċifiku, jekk ma jkunx ikkoordinat sew, u b’mod partikolari b’mod li jirrispetta r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, jista’ joħloq xkiel ġdid. Il-KESE jinsisti li fil-każijiet kollha l-acquis communautaire – kemm ir-regolamenti kif ukoll l-istrumenti – għandu jiġi rispettat.

3.11.   Netwerks speċjalizzati bejn l-UE u l-amministrazzjonijiet nazzjonali bħan-Netwerk Enterprise Europe, is-SOLVIT u n-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, u pjattaformi online għall-iskambju tal-aħjar prattiki, iffukati fuq it-tneħħija tal-ostakli bla bżonn, huma ferm mixtieqa.

3.12.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni u informazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE huwa problema serja ħafna. F’dan il-kuntest, il-KESE bħalissa qed iħejji opinjoni dwar l-inizjattiva tal-Informazzjoni fis-Suq Intern (17).

3.13.   Madankollu, iż-żieda fil-komunikazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandha tipprovdi kontroll addizzjonali fuq l-ostakli potenzjali (moħbija) li joriġinaw mil-liġijiet u l-obbligi nazzjonali f’oqsma speċifiċi.

3.14.   Fuq l-istess linji, it-taħriġ u t-tħejjija ta’ ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE huwa kruċjali. Dan jeħtieġ l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati biex kompetenzi jinżammu aġġornati. Dan huwa partikolarment rilevanti fid-dawl taż-żieda fl-enfasi fuq l-użu ta’ għodod ta’ politika msejsa fuq l-evidenza, bħall-evalwazzjonijiet tal-impatt u l-kejl tal-piżijiet amministrattivi.

3.15.   F’diversi Opinjonijiet il-KESE argumenta li l-monitoraġġ effikaċi tal-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet Ewropej huwa indispensabbli.

3.16.   Għal gvernanza tajba tas-Suq Uniku, minn barra atturi tal-gvern, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jagħmlu l-parti tagħhom u jħossuhom koresponsabbli u responsabbli fil-promozzjoni tal-kundizzjonijiet qafas għal kundizzjonijiet ugwali fl-Ewropa. L-istrumenti jinkludu: l-esperjenza prattika, l-iskambju ta’ prattiki tajbin, l-awtoregolazzjoni, id-djalogi soċjali fid-diversi livelli, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni, u oħrajn.

4.   Kwistjonijiet speċifiċi

4.1.   Regolamentazzjoni aħjar

4.1.1.   Ir-regolamentazzjoni aħjar hija strateġija kruċjali għal ambjent kummerċjali reżistenti. L-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar skont id-definizzjoni tal-punt 2.7 hija l-qofol ta’ din l-istrateġija.

4.1.2.   Ir-regolamentazzjoni aħjar tikkonsisti kemm fl-għażla tas-suġġetti għall-armonizazzjoni fil-livell tal-UE kif ukoll il-metodu tar-regolamentazzjoni, pereżempju permezz ta’ regolamenti, direttivi dettaljati jew direttivi qafas. Ostakli legali bejn l-Istati Membri jistgħu jibqgħu intatti meta d-direttivi jkunu ambigwi wisq jew jipprevedu biss regoli minimi.

4.1.3.   F’diversi okkażjonijiet il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon reviżjonijiet mill-qiegħ iffukati ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja mill-Kummissjoni. Reviżjonijiet bħal dawn jissarrfu f’aġġustamenti meħtieġa mill-bidliet fiċ-ċirkostanzi u abolizzjoni tal-ostakli legali eżistenti.

4.1.4.   Għandu jiġi rikonoxxut li ċerti suġġetti mhumiex xierqa għall-armonizzazzjoni minħabba d-diversità tal-oqfsa leġiżlattivi tal-Istati Membri. F’dawk il-każijiet, l-ostakli legali potenzjali għandhom jiġu studjati speċifikament.

4.1.5.   F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed jirnexxilha twettaq valutazzjonijiet tal-impatt kull fejn ikun hemm nuqqasijiet f’livell ta’ Stati Membri f’dan il-qasam. Dan ifixkel il-kundizzjonijiet ugwali għan-negozji u l-mobbiltà b’mod ġenerali.

4.1.6.   Il-valutazzjonijiet tal-impatt huma għodda tassew siewja kemm fil-ġlieda kontra r-regolamentazzjoni eċċessiva kif ukoll fil-kuntest tar-regoli l-ġodda. Dan ifisser li jagħmlu lill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u lill-Kunsill aktar konxji tas-sitwazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jirrispettaw l-evalwazzjonijiet tal-impatt u l-aġġornamenti tagħhom tul il-proċess leġiżlattiv kollu.

4.1.7.   Il-valutazzjonijiet tal-impatt jeħtieġu approċċ ġenerali u integrali mhux biss f’dawk li huma l-aspetti tekniċi tal-oġġetti u s-servizzi, iżda wkoll fl-effetti sekondarji bħal dawk fuq l-interessi tal-ambjent u l-konsumatur. Mill-banda l-oħra, fil-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent u l-konsumatur, il-ħtieġa ta’ industrija kompetittiva għandha titqies dejjem. Fil-valutazzjonijiet tal-impatt suċċessivi għandhom posthom il-partijiet interessati kollha.

4.2.   Implimentazzjoni u infurzar (18)

4.2.1.   Implimentazzjoni korretta u f’waqtha u infurzar fil-prattika huma aspett inerenti tar-regolamentazzjoni aħjar. L-evidenza prattika turi li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni (goldplating) u l-implimentazzjoni eċċessiva (cherry-picking) huma sors ewlieni ta’ ostakli legali, problemi transkonfinali u protezzjoniżmu. Għalhekk jeħtieġ li r-riżorsi u l-istrumenti meħtieġa għall-monitoraġġ tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell tal-Istati Membri jiġu vvalutati bir-reqqa.

4.2.2.   Is-sussidjarjetà għandha tiġi rispettata. Dan m’għandux, madankollu, ixaqleb lejn naħa waħda biss. Tassew li l-UE għandha toqgħod lura milli tindaħal fil-proċeduri u s-sistemi amministrattivi nazzjonali. Iżda t-Trattat jipprevedi li l-UE tħares il-miri tal-Unjoni u għandha tiggarantixxi l-funzjonament tas-Suq skont ir-regoli mifthiema. Il-problemi li jiffaċċjaw in-negozji, l-organizzazzjonijiet oħra u ċ-ċittadini fl-operat tagħhom jistgħu jissolvew tajjeb biss b’dik il-kundizzjoni.

4.2.3.   Fi kliem ieħor, ir-rabta bejn ir-regoli Komunitarji u s-sussidjarjetà hija waħda fina. Il-KESE huwa tal-fehma li fil-proċess tat-tisħiħ tal-integrazzjoni, il-bilanċ xieraq bejn ir-rispett li jitolbu t-tradizzjonijiet u s-sistemi amministrattivi nazzjonali u l-monitoraġġ tal-UE, għandu jiġi definit u applikat skont l-għanijiet mifthiema.

4.2.4.   F’dan ir-rigward, eżempju tassew rilevanti huwa l-entitajiet lokali u reġjonali li f’għadd ta’ Stati Membri huma responsabbli għall-implimentazjoni tal-liġi Ewropea. Dawn l-entitajiet għandhom jikkunsidraw b’mod korrett il-liġi Komunitarja.

4.2.5.   Qasam ieħor vast u importanti huwa dak tal-akkwist pubbliku. Minkejja l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-2004, il-prattiki tradizzjonali u l-proċeduri amministrattivi, inklużi l-ostakli legali li jxekklu l-kompetizzjoni transkonfinali fil-kuntratti pubbliċi, għadhom hemm. L-akkwist pubbliku jeħtieġ attenzjoni kontinwa, filwaqt li jibqa’ jiġi rispettat in-negozjar kollettiv bejn l-imsieħba soċjali.

Il-KESE jqis li, fil-kuntest tat-tneħħija tal-ostakli leġiżlattivi fl-UE, il-gvernanza għandha tittejjeb b’mod konsiderevoli:

4.2.6.1.   Ir-reazzjoni eżistenti dwar l-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni għadha mhijiex sodisfaċenti (19).

4.2.6.2.   Bħala aspett importanti indispensabbli għall-istat tad-dritt, il-monitoraġġ tal-Kummissjoni għandu jiġi estiż sistematikament għall-implimentazjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE. Din il-kwistjoni teħtieġ attenzjoni speċjali u dibattitu politiku.

4.2.6.3.   Minbarra dan, ikun mixtieq li n-netwerks tal-evalwazzjoni ta’ bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali (20) jiġu introdotti fejn ma jeżistux u li jitrawmu l-ħiliet amministrativi fl-Istati Membri.

4.2.6.4.   Fl-istess perspettiva, il-KESE japprova t-twaqqif reċenti tan-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà mill-Kumitat tar-Reġjuni li jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-UE u l-entitajiet lokali u reġjonali.

4.2.6.5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-regolaturi nazzjonali japplikaw ir-regoli tal-UE bl-istess mod u b’mod koordinat.

4.2.6.6.   Il-gvernanza mixtieqa msemmija f’4.2.6 għandha tiġi applikata bl-istess mod fil-każ ta’ ostakli mhux legali li spiss jinħolqu mill-prattiki amministrattivi eżistenti.

4.3.   Is-Suq Uniku tas-Servizzi

L-Ewropa tinsab f’salib it-toroq fir-rigward tas-Suq Intern tas-Servizzi. L-istat tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi, previsti għal tmiem l-2009, irid jiġi segwit mill-qrib biex jiġi żgurat li ma jiżdiedu l-ebda ostakli u diskrepanzi fil-livell nazzjonali. Madankollu, hawnhekk ma għandhomx jaqgħu l-istandards soċjali, ambjentali, tal-kwalità u tas-sigurtà. L-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi tal-UE titlob li l-persunal amministrattiv jitħarreġ tajjeb (lingwi, ħiliet interkulturali).

4.3.1.1.   L-approċċ attwali adottat mill-Kummissjoni Ewropea b’appoġġ għat-traspożizzjoni tad-Direttiva f’livell nazzjonali jidher li hu effikaċi u għandu jitħeġġeġ aktar.

Fir-rigward tal-aspetti speċifiċi tad-Direttiva tas-Servizzi, il-libertà tal-istabbiliment u l-attivitajiet transkonfinali hija element ewlieni għall-ħolqien tal-ambjent ideali għan-negozju Ewropew (21).

4.3.2.1.   Ir-reazzjoni mill-partijiet interessati tidher li tindika li minkejja l-eżistenza ta’ miżuri ad hoc li jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ negozju fi Stat Membru ieħor, xorta għad hemm lok għal titjib.

Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata hija l-approċċ li għandu jiġi adottat fl-oqsma li bħalissa mhumiex koperti bid-Direttiva tas-Servizzi.

4.3.3.1.   Uħud mis-setturi bħas-servizzi finanzjarji, il-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi awdjoviżivi huma regolati apparti, waqt li oqsma oħra mhumiex regolati fil-livell tal-UE.

4.3.3.2.   Dawn tal-aħħar jistgħu jippreżentaw differenzi minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk joħlqu l-possibbiltà ta’ ostakli mhux mistennija. Għalhekk, hemm il-ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali biex jiġu evitati approċċi kontra xulxin dwar kwistjonijiet speċifiċi li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju Ewropew direttament.

Barra minn dan, irid jiġi enfasizzat li llum il-ġurnata l-linja li tifred l-oġġetti mis-servizzi dejjem tiċċajpar aktar. Għaldaqstant, implimentazzjoni korretta tal-libertà tal-istabbiliment u l-attivitajiet transkonfinali tkun tabilħaqq ta’ benefiċċju għall-industrija tal-manifattura.

4.3.4.1.   Anke fil-preżenza ta’ traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw bir-reqqa l-kwistjonijiet pendenti u jżommu ostakli ġodda milli joħorġu. Billi l-biċċa l-kbira tal-progress fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs sar fis-suq tal-oġġetti, il-lezzjonijiet minn dak il-qasam jistgħu joffru ħjiel utli ta’ kif għandhom jiġu ttrattati l-ostakli li għadhom jeżistu fis-servizzi.

4.4.   L-Approċċ il-Ġdid, il-Pakkett tal-Oġġetti 2008 u l-istandardizzazzjoni

4.4.1.   L-Approċċ il-Ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandards tekniċi (22) u r-reviżjoni għaddejja tiegħu huwa wieħed mill-aktar suċċessi tanġibbli fit-tneħħija tal-ostakli għall-kompetittività fis-Suq Intern.

4.4.2.   Fiċ-ċirkustanzi attwali, huwa ferm importanti li jinżamm il-metodu tal-Approċċ il-Ġdid u li jiġi evitat li jintilfu r-riżultati miksuba minħabba miżuri ta’ protezzjoniżmu.

4.4.3.   Jiswa wkoll li jiġi vvalutat kif ħadmet l-applikazzjoni u l-użu tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. B’mod partikolari għandu jitqies kemm l-iżvilupp sostenibbli jista’ jiġi żgurat minn lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi mmonitorjat l-impatt reali tal-“Pakkett tal-Oġġetti” 2008, li hu maħsub biex ir-rikonoxximent reċiproku jaħdem.

4.4.4.   Qasam ieħor huwa l-istandardizzazzjoni li normalment tissejjes fuq miżuri volontarji u mhux fuq leġiżlazzjoni. Il-kontribut ċar tal-istandardizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika Ewropea jiġbed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li għadhom jeżistu li jfixklu l-isforzi fis-Suq Intern kif ukoll il-pożizzjoni tal-kompettittività tal-UE fix-xena dinjija.

4.4.5.   F’każijiet oħra, huwa n-nuqqas ta’ standards f’xi qasam partikolari li joħloq ostakli (legali), bħal fl-akkwist pubbliku fejn nuqqas ta’ kunsens fost l-atturi industrijali jkollu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fl-UE. Dan joħroġ ċar pereżempju meta kumpaniji jagħtu bidu għal “taqbida għall-istandards” biex jistabbilixxu jew jiddefendu pożizzjoni monopolistika fis-suq, bi ħsara għall-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur. F’dawn il-każijiet għandha titqies il-possibbiltà ta’ intervenzjoni min-naħa tal-UE biex tiffaċilita ftehim bejn il-partijiet konċernati.

4.4.6.   Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi għall-istandardizzazzjoni f’ċerti oqsma bħall-akkwist pubbliku u s-servizzi tal-IT u l-komunikazzjoni. Madankollu, biex tiġi evitata d-distorsjoni fil-proċess, huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jiġu involuti meta jiġu stabbiliti l-istandards. F’dan ir-rigward, inizjattivi għaddejjin bħall-ħidma tan-NORMAPME dwar l-istandardizzazzjoni u l-SMEs għandhom jitħeġġu aktar.

4.5.   It-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi mhux ġustifikati

Politika prominenti tal-Kummissjoni Ewropea hija l-Programm ta’ Azzjoni 2007 dwar il-kejl tal-piżijiet amministrattivi biex jiġi ssemplifikat l-ambjent regolatorju tan-negozju.

4.5.1.1.   Bis-saħħa tal-iStandard Cost Model, oriġinarjament adottat fl-Olanda, l-UE bħalissa qiegħda tiffinalizza l-kejl tal-piżijiet iġġenerati mil-leġiżlazzjoni tagħha stess (23).

4.5.1.2.   It-twaqqif tal-Grupp Stoiber – Grupp ta’ Livell Għoli ta’ 15-il espert – biex iressaq proposti ta’ tnaqqis kien pass ieħor lejn il-konkretizzazzjoni ta’ din l-inizjattiva.

Il-programm għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi qiegħed kull ma jmur jaqbad l-art fil-livell nazzjonali, u l-Istati Membri diġà impenjaw ruħhom li jkejlu u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi f’pajjiżhom.

4.5.2.1.   F’dan l-istadju, huwa assolutament essenzjali li jiġu kkoordinati l-istrateġiji tal-kejl u t-tnaqqis madwar l-Ewropa u bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali għas-suċċess tal-eżerċizzju.

4.6.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

4.6.1.   Biex is-Suq Intern jaħdem b’mod effikaċi, minn barra l-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi, għandu jiġi approvat il-moviment ħieles tal-professjonisti. B’konformità mad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tar-riċerka dwar il-mobbiltà tar-riċerkaturi, jeħtieġ li jkun hemm applikazzjoni usa’ li tkopri professjonisti oħrajn.

4.6.2.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fl-UE huwa kwistjoni kumplessa li tmur lilhinn mill-kwistjoni tal-ostakli leġiżlattivi; din għandha tiġi indirizzata minħabba li hija marbuta direttament mal-problema tal-ostakli (moħbija) fis-Suq Intern.

4.6.3.   Dan l-aħħar, sar avvanz kbir ħafna f’dan il-qasam bit-twaqqif tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki, l-hekk imsejjaħ ħames libertà, jiġifieri l-mobbiltà tar-riċerkaturi. Il-KESE jilqa’ dan il-pass sinifikanti ’l quddiem.

4.7.   Inizjattivi oħra

Minħabba t-tul u l-ispiża tal-proċeduri ġudizzjarji tradizzjonali, mekkaniżmi oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim jagħtu kontribut siewi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jinqalgħu mill-attivitajiet transkonfinali.

4.7.1.1.   Madankollu, ftit huwa magħruf dwar is-sitwazzjoni attwali tal-użu u l-aċċess għal din l-għodda fost in-negozji u ċ-ċittadini. Hija ħasra li r-rakkomandazzjonijiet mhux obbligatorji tal-Kummissjoni f’dan il-qasam jiġu applikati biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri.

4.7.1.2.   Ikun siewi li l-kwistjoni tiġi mistħarrġa aktar fil-fond u jsir magħruf kif tista’ tiġi appoġġjata u promossa fil-prattika bħala mezz addizzjonali għat-tnaqqis tal-ostakli u l-problemi eżistenti.

4.7.2.   Meta jaħdem sew, in-netwerk tas-SOLVIT jitfaħħar kif għandu jkun għall-ħila tiegħu li jsolvi l-problemi malajr u jipprevjeni milli jinqalgħu oħrajn. Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riżorsi u l-persunal allokati għaċ-Ċentri nazzjonali jissodisfaw b’mod xieraq il-bżonnijiet eżistenti (24) u li l-partijiet interessati jkunu konxji tal-eżistenza u l-funzjonijiet tan-netwerk.

Ir-rwol tan-Netwerk Enterprise Europe (li issa jissostitwixxi n-Netwerk taċ-Ċentri tal-Informazzjoni dwar l-UE – EICs) huwa wkoll sors ta’ appoġġ ewlieni partikolarment għall-SMEs, u jtejjeb l-ambjent operattiv tagħhom. Fil-fatt, in-Netwerk Enterprise Europe spiss jirrappreżenta wiċċ l-Ewropa għall-operaturi fil-livell lokali.

4.7.3.1.   Studji preċedenti (25) sabu li waqt li n-netwerk preċedenti ta’ EICs ġeneralment kien jipprovdi servizzi ta’ kwalità, il-mekkaniżmi tar-reazzjoni bejn iċ-Ċentri u l-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem ħadmu tajjeb. Dan l-aspett għandu jiġi evalwat mill-ġdid u jsir intervent fejn il-problema tippersisti.

4.7.4.   Ilmenti dwar l-ostakli legali jistgħu jiġu indirizzati wkoll direttament lill-Kummissjoni Ewropea. Din il-komunikazzjoni addizzjonali għandha tingħata pubbliċità adegwata.

4.7.5.   L-istat attwali tal-inizjattivi tal-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni għandu impatt ukoll fuq l-ambjent tan-negozju, u dawn jistgħu jgħinu biex jitneħħew l-ostakli eżistenti. Ikun ideali li jiżdied l-għarfien dwar l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni biex jinxterdu l-aħjar prattiki (26).

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għal ħarsa ġenerali dwar l-ostakli li għad fadal għas-Suq Uniku, ara l-istudju tal-KESE-SMO fuq http://www.eesc.europa.eu/smo/news/index_en.asp

(2)  F’Ġunju 2001, is-Summit tal-Kunsill ta’ Gothenburg żied id-dimensjoni ambjentali għall-Aġenda ta’ Liżbona.

(3)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 39.

(4)  Ara r-rapport reċenti mill-OECD favur it-tkomplija tar-riforma regolatorja u prekompetittiva fil-kuntest attwali tal-kriżi (Going for Growth 2009)

(5)  B’mod partikolari ara t-Tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, COM(2009) 15 finali.

(6)  F’dan il-kuntest, ara l-fuljett illustrattiv: Meta ġejja verament l-1992? tal-Federazzjonijiet tal-Impjegaturi (VNO – NCW, MKB – ippublikat f’Diċembru 2008) L-1992, kienet dak iż-żmien imħabbra bħala s-sena tal-kompletar tas-Suq Intern.

(7)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14

(8)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar L-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14, punt 1.5

(9)  Ara l-Artikolu 87.3(b) tat-Trattat KE. Din hija bidla deliberata tal-bażi legali mill-Artikolu 87.3(c) li jiġi applikat is-soltu. Tagħti iktar lok għal appoġġ lill-Istati Membri u tista’ twassal għal distorsjonijiet. Għaldaqstant, “il-Kummissjoni għandha ssewgi dawn id-distorsjonijiet intenzjonati u awtorizzati mill-qrib u tikkoreġihom malli s-sitwazzjoni ekonomika terġa’ għan-normal”, ara l-opinjoni ĠU C 228, 22.9.2009, p. 47.

(10)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1

(11)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8, ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2 ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(12)  Il-kelma “monitorjata” qed tintuża hawnhekk, u fil-punti 4.2.1 u 4.2.6.2 f’sens ġenerali mingħajr id-definizzjoni dettaljata tar-rwol u l-mandat tal-Kummissjoni. Dawn ivarjaw skont l-istrumenti legali użati f’każijiet konkreti.

(13)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 11.

(14)  Ara r-Rapport ta’ de Larosière dwar il-monitoraġġ finanzjarju fl-EU, il-25 ta’ Frar 2009

(15)  Dan il-metodu jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fl-oqsma ta’ politika li jaqgħu fil-kompetenzi tagħhom, bħall-impjiegi, l-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, iż-żagħżagħ u t-taħriġ. Huwa tipikament għodda ta’ politika intergovernattiva. Għal aktar dettalji: http://europa.eu/scadplus/glossarty/open_methodcoordination_en.htm.

(16)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3.

(17)  Ara COM(2008) 703, u ĠU C 325, 30.12.2006, p. 3.

(18)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52.

(19)  Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi għadd ta’ sorsi ta’ informazzjoni, fosthom punti ta’ kuntatt għall-ilmenti bħall-call centre Europe Direct, il-Eurojus, iċ-ċentri nazzjonali tas-SOLVIT, iċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej, in-Netwerk Enterprise Europe u l-portal tal-Ewropa Tiegħek.

(20)  Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-sistema tal-Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI), li l-Kummissjoni żviluppat biex tiffaċilita l-informazzjni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar il-leġiżlazzjoni ta-UE.

(21)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 11.

(22)  Imniedi fl-1985, l-Aproċċ il-Ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni teknika jikkostitwixxi żvolta għal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-Suq Intern. Huwa ġie adottat bħala tweġiba għall-ambjent leġiżlattiv kumpless li rriżulta minn sensiela ta’ regoli dettaljati stabbiliti għall-ħolqien u l-kompletar tas-Suq Intern tal-oġġetti.

(23)  Dan l-approċċ – ħafna drabi msejjaħ il-ġlieda kontra l-burokrazija, huwa maħsub biex jidentifika u jkejjel kull piż amministrattiv għall-kumpaniji li joħroġ minn leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex jinstabu possibbiltajiet għat-tnaqqis ta’ 25 % ta’ dan il-piż.

(24)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 15.

(25)  Renda A., Schrefler L. and Von Dewall F. (2006), Ex post evaluation of the MAP 2001-2005 initiative and suggestions for the CIP 2007-2013, CEPS Studies.

(26)  Il-KESE waqqaf database dedikata għall-inizjattivi Ewropej ta’ awtoregolazzjoni u koregolazzjoni flimkien mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea: http://eesc.europa.eu/self-and-coregulation/index.asp.


APPENDIĊI

għall-opinjoni

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-test li ġej, tal-Opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata, ġie rrifjutat favur emenda adottata mill-assemblea iżda ġabar mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Biddel il-punt 3.1 kif ġej:

“Il-kunċett tas-Suq Uniku huwa wieħed dinamiku. Il-kontenut tiegħu u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha ekonomiċi fl-Ewropa huma definiti b’għanijiet ta’ politika tal-UE xierqa u ggarantiti bil-liġi Ewropea. L-għanijiet u r-regoli jiġu aġġustati minn żmien għal żmien skont il-bidla fiċ-ċirkostanzi.”

Raġuni

Kumment fl-Opinjoni tal-KESE SOC/315.

Riżultat tal-votazzjoni

L-emenda ġiet adottata b’125 vot favur, 76 vot kontra u 9 astensjonijiet.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju”

(Opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/03)

Rapporteur: is-Sur IOZIA

F’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jfassal opinjoni esploratorja dwar

Il-ħtieġa tal-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà tal-enerġija mingħajr karbonju.

Is-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, 7 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jagħraf li l-edukazzjoni fost l-etajiet kollha u t-taħriġ għat-tekniċi u l-gradwati jaqdu rwol kruċjali sabiex nibnu soċjetà li ma tikkawża l-ebda tip ta’ emissjonijiet. Il-ġlieda kontra t-tisħin globali saret waħda mill-prijoritajiet tal-gvernijiet u tal-komunità xjentifika. Hija r-responsobbiltà tal-aktar pajjiżi żviluppati, li jikkawżaw il-maġġoranza tal-emissjonijiet, li jieħdu l-ikbar passi f’dan ir-rigward u li jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jimplimentaw politiki ta’ żvilupp li jkunu sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali.

1.2.   Minkejja l-impenji solenni li ttieħdu (id-Dikjarazzjoni ta’ Kiev fl-2003, id-Deċennju ta’ Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU 2005 – 2014), l-inizjattivi tal-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ħlief għal xi numru żgħir minnhom, ma kinux biżżejjed.

1.3.   Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tippromovi enerġija effiċjenti fl-Istati Membri, tnaqqas il-konsum u d-dipendenza minn pajjiżi terzi għall-enerġija, toħloq netwerk transnazzjonali ta’ interkonnessjonijiet billi tissemplifika l-protokolli ta’ konnessjoni, u tibni pożizzjoni komuni bil-għan li l-UE titkellem b’vuċi waħda f’dan il-qasam. Għalkemm matul dawn l-aħħar snin sar progress konsiderevoli, il-parteċipazzjoni ġenwina tas-soċjetà ċivili għadha lura u ftit sar avvanz fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li reġa’ twaqqaf DĠ għall-Enerġija u jittama li l-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jiġu kkoordinati b’mod aktar effettiv bit-tmexxija ta’ awtorità komuni.

1.4.   F’bosta pajjiżi ttieħdu diversi inizjattivi bil-għan li jxerrdu l-informazzjoni u jqajmu koxjenza. Ħafna drabi dawn kienu inizjattivi tal-NGOs mibnija fuq dan l-għan speċifiku. F’seduta tal-Kumitat bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju tal-Enerġija, Andris Piebalgs, ġew ippreżentati xi inizjattivi li ttieħdu fil-qasam, bħal Terra Mileniul III, Eurec, il-Fundazzjoni Collodi (Pinokkjo huwa karattru ferm adattat għall-edukazzjoni ambjentali tat-tfal), Arene Ile-de-France u KITH (Kyoto in the home – il-Protokoll ta’ Kjoto fid-djar). L-assoċjazzjonijiet tan-negozju, bħall-European Builders Confederation (EBC), il-korpi responsabbli mill-alloġġ soċjali, fosthom CECODHAS, u l-produtturi taċ-ċelloli tal-fjuwil, bħall-Fuel Cell Europe, qed jagħtu kontribut importanti sabiex ixerrdu l-informazzjoni dwar il-potezjal li joffri s-suq.

1.5.   Il-Kumitat jinsab konvint li hemm bżonn isiru aktar sforzi u sforzi aħjar bl-għajnuna ta’ bosta atturi prinċipali fis-soċjetà:

L-edukaturi: jeħtieġ li lill-għalliema nafdawlhom il-kompitu li jedukaw u jqajmu koxjenza dwar l-ambjent fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. L-edukazzjoni ambjentali m’għandhiex tkun biss punt ieħor fuq il-kurrikulu tal-iskola iżda għandha tagħmel parti mit-tagħlim tul il-ħajja.

L-amministraturi tal-awtoritajiet lokali: jistgħu jinfluwenzaw kemm id-deċiżjonijiet li jittieħdu dwar l-użu tal-art kif ukoll il-programmi skolastiċi għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, billi jintegraw l-elementi meħtieġa biex nibnu soċjetà li tuża livell baxx ta’ karbonju. L-importanza li ngħata l-Patt Ewropew tas-Sindki, li fih aktar minn tletin sindku ffirmaw ftehim fejn qalu li ser jappoġġjaw l-iffrankar u l-effiċjenza tal-enerġija fiż-żoni tagħhom, juri l-potenzjal u s-sinifikat ta’ azzjoni f’dan il-livell.

L-assoċjazzjonijiet tan-negozju (b'mod partikolari l-SMEs): l-assoċjazzjonajiet reġjonali kollha għandhom joffru servizz lill-kumpaniji sabiex jiffaċilitaw il-proġetti ta’ informazzjoni u taħriġ. Fi Spanja l-“klassijiet mobbli” kellhom suċċess kbir. Klassi mobbli hija xarabank mgħammar apposta li wieħed jista’ jikri biex jorganizza korsijiet ta’ taħriġ fis-sede tal-kumpanija. Permezz ta’ dan il-proġett, li huwa mmexxi minn kumpaniji differenti u jinvolvi l-kunsill ta’ Leon y Castilla, tħarrġu 5 600 ħaddiem fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.

L-organizzazzjonijiet tat-trade unions: it-TUC pereżempju nediet il-proġett pilota Green Workplaces li diġà ta riżultati tajbin fil-forma ta’ ftehimiet dwar it-tnaqqis tal-konsum u l-emissjonijiet ma’ xi negozji u istituzzjonijiet. In-negozjar kollettiv jista’ jiġbor fih programmi tal-effiċjenza tal-enerġija fejn l-għanijiet komuni li jinkisbu jiġu ppremjati. Dan huwa mezz għaqli ta’ kif nistgħu niġġeneraw il-qligħ u l-profitt.

NGOs: l-għarfien espert tal-organizzazzjonijiet ambjentali flimkien mal-esperjenza tal-għalliema u x-xjenzati fil-qasam tat-tagħlim għandhom valur miżjud kbir. Jistgħu jiġu organizzati korsijiet għall-għalliema, il-ħaddiema tal-kumpaniji u l-amministraturi pubbliċi bi ftehim mal-awtoritajiet lokali.

Il-periti u l-inġiniera tal-bini jistgħu jagħtu kontribut kbir immens kemm fil-bini l-ġdid kif ukoll fir-rinnovazzjoni ta’ bini ieħor.

L-awtoritajiet pubbliċi: jiżdied l-ammont ta’ akkwist pubbliku ekoloġiku, jiġifieri kuntratti pubbliċi bi kriterji ambjentali aktar stretti sabiex is-suq jimxi fid-direzzjoni t-tajba.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom billi jżommu mal-impenji solenni li daħlu għalihom permezz ta’ azzjoni konsiderevoli li tappoġġja l-edukazzjoni ambjentali.

1.6.   L-investiment fl-enerġija b’livell baxx ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jista’ jirbaħ minnu kulħadd. Ser ikun hemm bżonn ta’ bosta miljuni ta’ postijiet tax-xogħol ta’ livell għoli sabiex niksbu l-għanijiet li nnaqqsu l-emissjonijiet u d-dipendenza mill-provvedituri esterni u li niżviluppaw teknoloġiji innovattivi u r-riċerka.

1.7.   Peress li mhuwiex possibbli li nfasslu l-kurrikulu tal-iskejjel fil-livell Ewropew, ikun jagħmel sens li nfasslu sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalità.

1.8.   Jekk niżviluppaw il-kapaċitajiet tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u ngħinuhom jinteressaw ruħhom fl-attivitajiet ambjentali – anki wara l-iskola – filwaqt li nħalluhom jagħżlu l-inizjattivi, ser naraw bidla fl-istil ta’ ħajja filwaqt li nerġgħu niskopru l-valur tal-interazzjoni soċjali. Jekk pereżempju t-tfal jitfu t-televiżjoni, ikunu jistgħu jiskopru mill-ġdid il-logħob ma’ sħabhom.

1.9.   Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet, is-sistemi produttivi u soċjali, u b’mod aktar ġenerali, tal-pubbliku. Madanakollu l-UE tista’ taqdi rwol importanti billi tħeġġeġ u tippromovi l-firxa sħiħa ta’ miżuri li hemm bżonn.

1.10.   Nedukaw il-konsumatur: jeħtieġ li d-Direttiva 2006/32 tissaħħaħ u tiġi estiża kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod speċifiku fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-tixrid tal-informazzjoni b’rabta mal-effiċjenza tal-enerġija tal-prodotti u s-servizzi fost il-konsumaturi sabiex ngħinuhom isiru ċittadini responsabbli. Fid-dokumentazzjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali fil-qasam tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-inizjattivi ta’ edukazzjoni, taħriġ u informazzjoni li qed jippjana kull Stat Membru.

1.11.   L-importanza tas-settur tal-bini: id-Direttiva l-ġdida tal-Kummissjoni ser ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija tal-bini. Il-Kummissjoni tista’ tniedi programm tal-UE sabiex tħeġġeġ u tagħti inċentiv għal avvanzi radikali fil-qasam tat-taħriġ kwalifikat tat-tekniċi.

1.12.   L-akkwist pubbliku jista’ jżid l-effiċjenza tal-enerġija b’mod sinifikanti. Kull kuntratt tal-bini għandu jinkludi rekwiżiti sinifikanti u stretti tal-effiċjenza tal-enerġija sabiex il-kriterju tal-iffrankar tal-enerġija jsir wieħed mill-elementi prinċipali li fuqhom tiġi bbażata l-eżaminazzjoni tal-offerti. L-uffiċjali pubbliċi kkonċernati għandhom jingħataw taħriġ speċifiku.

1.13.   Din hija kwistjoni multidixxiplinarja, u għalhekk min imexxi t-taħriġ għandu jsegwi korsijiet speċifiċi. It-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ forums dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, mibni fuq l-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi li jeżistu, jista’ jkun sors ta’ informazzjoni nazzjonali dwar materjal u programmi adattati, u jiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija nadifa fil-kurrikuli tal-iskejjel. Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta’ dan in-netwerk.

2.   Daħla

2.1.   Fil-konferenza ta’ Kiev li saret fl-2003, il-ministri tal-ambjent iddikjaraw solennement li l-edukazzjoni hija strument fundamentali għall-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Stiednu lill-pajjiżi kollha jintegraw l-iżvilupp sostenibbli fis-sistemi edukattivi fil-livelli kollha, mill-kindergarten sal-edukazzjoni għolja, sabiex l-edukazzjoni tkun l-ixprun ewlieni tal-bidla.

2.2.   F’Diċembru 2002, is-57 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, b’kooperazzjoni mal-UNESCO u organizzazzjonijiet oħra, iddikjarat is-snin 2005-2014 bħala d-Deċennju tan-NU tal-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli.

2.3.   Il-Kummissarju Piebalgs stqarr li għandna niżviluppaw soċjetà li tuża r-riżorsi tad-dinja b’mod li jiżgura s-sopravivenza fit-tul tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, u dan għandu jsir b’mod li jżid is-saħħa, il-paċi u l-prosperità. Din hija sdifa kbira li ser titlob bidla soċjali sħiħa, jiġifieri t-tielet revoluzzjoni industrijali.

2.4.   Għal eluf ta’ snin, il-konċentrazzjoni tas-CO2 fl-atmosfera baqgħet l-istess, 260 ppm, issa madanakollu laħqet il-livell ta’ 390 ppm, livell li qed jogħla b’2 ppm fis-sena. Jekk ma jittiħdux miżuri konsiderevoli li jnaqqsu l-emissjonijiet, sal-2050 il-livell ser jogħla għal 550 ppm. B’konċentrazzjoni ta’ CO2 bħal din, l-aġenziji internazzjonali u l-IPCC jemmnu li t-temperaturi globali jistgħu jogħlew b’6 °C matul is-seklu 21.

2.5.   L-Ewropa hija konxja mir-responsabbiltà tagħha bħala kontinent li jikkawża ħafna emissjonijiet, u għalhekk ser tattendi l-konferenza ta’ Kopenħagen organizzata u lesta li tara lill-imsieħba internazzjonali ewlenin jidħlu għal impenji stretti bħalha. It-twaqqif ta’ DĠ għall-enerġija dan l-aħħar kien pass importanti ħafna, iżda jkun pass loġiku wkoll li l-kwistjonijiet tal-bilda fil-klima jinġabru taħt awtorità unika.

2.6.   Sabiex niksbu r-riżultati meħtieġa hemm bżonn li kull membru tas-soċjetà jagħmel sforz ġenerali u hemm bżonn ta’ miżuri edukattivi sa mill-età tal-iskola – jew saħansitra sa mill-età ta’ qabel l-iskola obbligatorja – biex iqajmu koxjenza u jħeġġu l-impenn tal-poplu. Il-problema tat-tisħin globali għandha tiġi indirizzata flimkien mal-kwistjonijiet aktar ġenerali tar-riżorsi limitati u l-iżvilupp sostenibbli.

2.7.   F’seduta pubblika, rappreżentant tal-KITH għalaq id-diskors tiegħu b’parafrażi ta’ dak li kien qal John F. Kennedy: “Tfittixx dak li l-pjaneta tagħna tista’ tagħmel għalik iżda dak li int tista’ tagħmel għaliha”. Il-futur tal-bniedem jiddependi minn bidla fil-mentalità.

3.   L-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’soċjetà b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi

3.1.   L-għan li nibnu soċjetà b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi jirrikjedi l-iżvilupp mgħaġġel ta’ netwerk ta’ infrastruttura li 1) iżomm lill-pubbliku infurmat dwar kwistjonijiet relatati mal-emissjonijiet tas-CO2, 2) iħarreġ biżżejjed tekniċi f’diversi livelli, speċjalizzati fis-settur il-ġdid tat-teknoloġija mingħajr karbonju, u 3) jinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam. Ħafna drabi l-mudelli tal-imġiba tradizzjonali jostakolaw l-adozzjoni ta’ mġiba aktar responsabbli fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2. Din is-sitwazzjoni tirrikjedi miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni wkoll. Barra minn hekk, l-edukazzjoni teknika u xjentifika hija importanti għall-pubbliku. In-nuqqas ta’ tekniċi kwalifikati jista’ jostakola l-iżvilupp tas-settur, għalhekk il-ħtieġa li nħarrġu lit-tekniċi huwa importanti ħafna. Fost it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, li jirrikjedu tekniċi u inġiniera mħarrġa tajjeb, ma rridux ninsew is-settur nukleari li fis-snin li ġejjin ser jibqa’ sors ta’ enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. F’dan is-settur huwa importanti ħafna li ċ-ċittadini jirċievu informazzjoni sħiħa u trasparenti dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għażla nucleari.

3.2.   Fost it-tfal nistgħu nqajmu koxjenza dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-logħob. Pereżempju attività utli tista’ tkun li norganizzaw kompetizzjonijiet żgħar ibbażati fuq l-impatt ambjentali u l-attivitajiet domestiċi. It-tfal jistgħu jieħdu magħhom l-iskola lista ta’ azzjonijiet li tagħmel il-familja fil-ħajja ta’ kuljum u jitgħallmu jgħoddu kemm jiffrankaw enerġija jew emissjonijiet tas-CO2 permezz ta’ azzjonijiet sempliċi żgħar. Hekk jistgħu jikkompetu bejniethom filwaqt li jinvolvu u jinfurmaw lill-ġenituri tagħhom u jagħmluhom konxji tal-prattika t-tajba.

3.3.   L-edukazzjoni għandha tibda mill-primarja. B’hekk nibdew ninfurmaw liż-żgħar dwar il-problemi ambjentali u dwar imġiba ġdida bbażata fuq l-iffrankar tal-enerġija. Madanakollu l-edukazzjoni għandha tkompli tinbena bil-mod sal-ogħla livell tekniku possibbli fl-iskejjel sekondarji kollha, b’mod partikolari fl-iskejjel li jipprovdu edukazzjoni teknika/xjentifika bil-għan li tinħoloq soċjetà aktar konxja u li tinħoloq bażi li tista’ tħajjar liż-żgħażagħ jagħżlu professjoni relatata mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

3.4.   L-Ewropa tinsab fi kriżi ekonomika globali. Mezz ta’ kif nistgħu noħorġu minnha huwa billi niżviluppaw setturi tat-teknoloġija avvanzata fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent. Dan jista’ jsir, pereżempju, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, li japplika għal diversi setturi prinċipali tal-ekonomiji avvanzati, bħall-industrija tal-karozzi, it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, il-bini u l-produzzjoni tal-elettriku, li ħafna drabi hija assoċjata mal-enerġija effiċjenti li twassal għall-iffrankar.

3.5.   Ir-ritmu li bih l-industrija Ewropea ser jirnexxilha tadotta t-teknoloġiji l-ġodda meta mqabbla ma’ atturi oħra fl-ekonomija globali jista’ jkun kruċjali għall-futur ekonomiku tal-Ewropa.

3.6.   Minkejja li bosta pajjiżi tal-UE huma mexxejja dinjija f’diversi teknoloġiji marbuta mal-iffrankar tal-enerġija u livell baxx ta’ emissjonijiet tas-CO2, l-investiment li sar dan l-aħħar f’partijiet oħra tad-dinja (eż. mill-gvern tal-Istati Uniti fl-industrija tal-karozzi) jista’ jitfa’ l-Ewropa lura u f’pożizzjoni perikoluża.

3.7.   Hemm bżonn li nnaqqsu d-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, kemm fir-rigward tal-kapaċità tal-produzzjoni u tal-innovazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kwalità tal-edukazzjoni sekondarja u terzjarja f’dawn is-setturi filwaqt li nħeġġu l-iskambju bejn l-Istati Membri fit-taħriġ teknoloġiku avvanzat.

3.8.   Id-diffkultajiet li jeżistu sabiex nintroduċu standards tat-tagħlim armonizzati fl-edukazzjoni ambjentali fil-livell tal-UE m’għandhomx itellfuna milli nxerddu l-għarfien billi nużaw il-potenzjal tal-aktar pajjiżi avvanzati. Għandha tiġi introdotta sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalità sabiex jogħla l-livell medju fl-UE.

3.9.   Il-programmi tal-UE ManagEnergy, Intelligent Energy Europe, Comenius u Leonardo da Vinci huma bbażati fuq it-taħriġ, il-konsulenza u l-edukazzjoni, u jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ Ewropa li tuża r-riżorsi umani u ambjentali tagħha bl-aħjar mod.

3.10.   It-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ forums nazzjonali dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa mibni fuq l-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi li jeżistu jista’ jkun sors ta’ informazzjoni nazzjonali li jgħaqqad lill-edukaturi permezz ta’ programmi u materjal ieħor u jiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija nadifa fil-kurrikuli nazzjonali.

3.11.   Għalhekk l-UE għandha tiżviluppa s-settur tat-teknoloġija b’livell baxx tal-karbonju malajr, b’mod konsistenti u kkoordinat. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ irridu nħarrġu għadd kbir ta’ esperti li jkunu kapaċi jiżviluppaw is-settur fis-snin li ġejjin.

3.12.   Issa li l-ostakli tal-lingwi qegħdin jiġu eliminati, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iskejjel sekondarji u l-universitajiet jistgħu, u għandhom, jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE. Fl-Ewropa diġà jeżistu eżempji ta’ kooperazzjoni bejn l-universitajiet. L-aġenzija EUREC, pereżempju, toffri Masters Ewropew fl-enerġija rinnovabbli flimkien ma’ universitajiet fil-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Greċja u Spanja. Barra minn hekk, l-Università ta’ Perugia (l-Italja), l-Università ta’ Liège (il-Belġju) u l-Università ta’ Malardalen f’Vasteras l-Iżvezja (www.masterghg.unipg.it) joffru Masters Internazzjonali fit-teknoloġija għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mod konġunt. Dawn l-iskemi għandhom jiġu estiżi u ffinanzjati mill-UE, u għandhom jenfasizzaw suġġetti speċifiċi bħala parti minn pjan ikkoordinat li jħarreġ ġenerazzjoni ġdida ta’ tekniċi bi kwalifiki għolja fis-setturi prinċipali kollha tal-ekonomija.

3.13.   Fl-universitajiet, flimkien mal-introduzzjoni ta’ lawrji u diplomi fl-iżvilupp sostenibbli (mhux b’rabta mal-kwistjonijiet relatati mas-CO2 biss, iżda anki mal-iffrankar tal-enerġija, il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa, eċċ.) għandu jkun hemm żieda sostanzjali fil-fondi għar-riċerka fil-qasam. Ma nistgħux nilħqu livell ta’ tagħlim avvanzat mingħajr ma jkollna għalliema involuti fi proġetti ta’ riċerka internazzjonali fil-qasam tagħhom.

4.   Edukazzjoni: eżempji li għandna nsegwu

4.1.   Jeżistu eżempji eċċellenti ta’ inizjattivi edukattivi, kemm Ewropej kif ukoll internazzjonali, fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent u xi drabi anki bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

4.2.   Il-Jackson School of Geosciences tal-Università ta’ Texas, f’Austin, ilha numru ta’ snin tmexxi programm ta’ kooperazzjoni, magħruf bħala l-GK-12, mal-iskejjel primarji u sekondarji ta’ Texas. Il-fondi pubbliċi jintużaw għall-korsijiet tal-għalliema u l-istudenti (l-għalliema jirċievu somma finanzjarja żgħira ta’ USD 4 000 kull sena bħala inċentiv).

4.3.   Fl-Ewropa saru ħafna inizjattivi simili wkoll. Pereżempju l-gvern tar-Renju Unit għandu wesbite li tħeġġeġ liċ-ċittadini jikkalkulaw il-marka tal-karbonju tagħhom filwaqt li tgħinhom inaqqsuha (http://actonco2.direct.gov.uk/index.html).

4.4.   Il-Kunsill Reġjonali tal-Île de France reċentement (fl-2007) organizza u ffinanzja proġett integrat dwar l-edukazzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli (EEDD) bil-għan li jħeġġeġ inizjattivi edukattivi speċifiċi u li jiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet sabiex ikun jista’ jikkoordina l-inizjattivi fir-reġjun aħjar.

4.5.   Il-proġett tal-UE Young Energy Savers ser jipproduċi serje ta’ cartoons ta’ artisti prominenti li juru lit-tfal li, bħall-karattri tal-cartoons, huma wkoll jistgħu jagħmlu sforz żgħir iżda effettiv sabiex inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom.

4.6.   Il-postijiet ideali għall-miżuri edukattivi ta’ għarfien u koxjenza huma d-dar, l-iskola u l-post tax-xogħol. Jekk ma nippromovux bidla fl-imġiba u l-istil ta’ ħajja ta’ kulħadd, ma nistgħux nilħqu l-miri ambizzjużi iżda indispensabbli li stabbilixxejna.

4.7.   Jeħtieġ li noħolqu l-mekkaniżmi u l-istrumenti li permezz tagħhom iż-żgħażagħ ikunu jistgħu isegwu l-attivitajiet ambjentali personali, anki barra mill-iskola. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom ħiliet innovattivi u entużjażmu għall-bidla, iżda spiss ikunu jixtiequ jaġixxu waħidhom. Ħafna żgħażagħ ma jipparteċipawx f’attivitajiet tal-adulti għax jaħsbuha mod ieħor.

5.   Taħriġ professjonali għat-tekniċi u l-professjonisti ta’ livell għoli

5.1.   Dan it-taħriġ professjonali ser joħloq miljuni ta’ impjiegi ġodda fl-Ewropa u fid-dinja kollha.

5.2.   F’Settembru 2008, l-UNEP, l-ILO, l-IOE u l-ITUC ippublikaw rapport intitolat Green Jobs: Towards decent work in a sustainable, low-carbon world. Skont dan l-istudju affaxxinanti, fl-UE ser jinħolqu bejn 950 000 u 1,7 miljun impjieg ġdid sal-2010 u bejn 1,4 miljun u 2,5 miljun impjieg sal-2020, skont jekk tiġix adottata strateġija standard jew avvanzata. Bejn 60 % u 70 % tal-impjiegi ser ikunu fl-industrija tal-enerġiji rinnovabbli u minn tal-inqas terz minnhom ser ikunu impjiegi ta’ livell għoli.

5.3.   Jekk inqisu t-teknoloġija u l-azzjonijiet kollha relatati mal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ, il-provvista u l-ġestjoni tal-ilma u t-trasport sostenibbli u innovattiv, l-investiment li jista’ jiġġenera numru sinifikanti ta’ impjiegi jista’ jammonta għal mijiet ta’ biljuni ta’ dollari.

5.4.   Jidher biċ-ċar għalhekk li t-taħriġ xjentifiku u professjonali jaqdi rwol ċentral sabiex jipprepara lill-ħaddiema għall-futur.

5.5.   Sabiex niġġieldu t-tendenzi attwali – minkejja d-diffikultajiet baġitarji nazzjonali li ninsabu fihom – hemm bżonn ta’ għajnuna finanzjarja sostanzjali biex jinħolqu “impjiegi ekoloġiċi”. Hemm bżonn ta’ diversi inċentivi pubbliċi konsiderevoli li jippromovu korsijiet ta’ taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-ħaddiema.

5.6.   L-industriji, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaħdmu flimkien u jorganizzaw konferenzi nazzjonali bil-għan li jinstabu l-aktar soluzzjonijiet adattati għall-kundizzjonijiet nazzjonali u li jħeġġu l-inizjattivi edukattivi u t-taħriġ professjonali fl-aktar setturi innovattivi għal soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju.

5.7.   Matul is-seduta pubblika ġiet enfasizzata l-importanza, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministrazzjoni pubblika, tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u appoġġ tekniku għall-managers u l-uffiċjali pubbliċi li jgħinuhom jorganizzaw xogħolhom b’mod aktar effettiv, isiru jafu bil-prodotti u t-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju disponibbli u jistabbilixxu regoli raġonevoli tal-“akkwist ekoloġiku”.

5.8.   Fl-industrija tal-bini nistgħu niffrankaw ammont sinifikanti ta’ enerġija u fl-istess waqt innaqqsu l-emissjonijiet. 40 % tal-enerġija hija użata fil-bini u 22 % ta’ din l-enerġija tista’ tiġi ffrankata. Madwar 41,7 % tal-ħaddiema (b’varjazzjonijiet konsiderevoli bejn pajjiż u ieħor) m’għandhomx kwalifiki għolja u l-ispiża li jkollhom jinvestu l-kumpaniji ż-żgħar biex iħarrġuhom hija għolja wisq. Għalhekk għandna nħeġġu inizjattivi, bħall-proġett tal-“klassijiet mobbli” fi Spanja, fejn il-ħaddiema jistgħu jiġu mħarrġa fit-teknoloġiji ekoloġiċi fil-qasam tal-bini mingħajr ma jkollhom jitbiegħdu mill-post tax-xogħol għal perijodi twal. Il-korpi responsabbli mill-alloġġ soċjali ppromovew serje ta’ inizjattivi bil-għan li jinfurmaw lill-amministraturi u l-utenti fil-qasam. Il-proġett intitolat Energy Ambassadors joffri taħriġ għall-ħaddiema tal-aworitajiet lokali, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet soċjali sabiex isiru l-“ambaxxaturi tal-enerġija”, jiġifieri jsiru l-persuni ta’ kuntatt dwar l-enerġija fl-organizzazzjoni tagħhom u jibdew jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-pubbliku.

5.9.   L-arkitettura jista’ jkollha impatt pożittiv fuq l-emissjonijiet, u f’dan is-settur diġà qed jiġi żviluppat approċċ kulturali ġdid. Il-pjanti qed jitħejjew fuq il-bażi ta’ ambjent adattat għar-ritmi naturali tal-ħajja, aktar milli fuq il-bażi ta’ stil ta’ ħajja artifiċjali msejjes fuq ħafna makkinarju u elettrriku. Huwa importanti wkoll li nxerrdu għarfien tekniku speċifiku dwar il-materjal innovattiv li bis-saħħa tiegħu tiġi ffrankata ħafna enerġija.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku”

(opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/04)

Rapporteur: Dr BREDIMA

B’ittra tat-3 ta’ Novembru 2008, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien Dr Bredima.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 182 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Din l-opinjoni esploratorja teżamina “it-tħaddir” tal-ambjent tal-oċeani kif ukoll tax-xmajjar, waqt li tħares il-kompetittività tal-industrija tat-trasport, skont l-Istrateġija ta’ Liżbona. “It-tħaddir” tal-ambjent tal-oċeani u x-xmajjar jista’ jinkiseb permezz ta’ politika ħolistika li tippromwovi investiment “ekoloġikament sensittiv” u toħloq “impjiegi ekoloġikament sensittivi”. Il-KESE jsostni li l-ekonomija ekoloġika mhix lussu. Għalhekk il-KESE jilqa’ dan l-approċċ.

1.2.   It-trasport marittimu huwa s-sinsla tal-globalizzazzjoni u jġorr madwar 90 % tal-kummerċ dinji, 90 % tal-kummerċ estern tal-UE kif ukoll 45 % tal-kummerċ fl-UE (bħala volum). It-tbaħħir intern jaqdi rwol importanti fit-trasport intern Ewropew minħabba li s-sehem modali tat-trasport fuq ix-xmajjar ilaħħaq għal 5,3 % tat-trasport intern totali fl-UE. Iż-żewġ modalitajiet huma kompetittivi, sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent.

1.3.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-konsultazzjonijiet tal-ġejjieni tagħmel distinzjoni u biex tqis it-tbaħħir intern bħala mod ta’ trasport intern.

1.4.   Il-KESE jemmen li l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu u t-tbaħħir intern għandha titqabbel mal-prestazzjoni tat-trasport fuq l-art fl-UE u mat-tniġġis li joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art. Huwa jtenni l-fehma li kull miżura tal-UE dwar it-tniġġis ambjentali għandha tkun applikabbli għall-bastimenti tal-btajjel u, jekk possibbli, għall-bastimenti navali wkoll. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu applikabbli għall-bastimenti kollha (irrispettivament mill-bandiera), b’mod kemm jista’ jkun prattiku u effiċjenti f’sens ta’ nfiq. Huma għandhom ikunu msejsa wkoll fuq evalwazzjoni ambjentali, teknika u soċjoekonomika tajba.

1.5.   Fis-sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009) il-KESE jemmen li l-industrija tal-UE għandha tkun fuq quddiem nett fir-riċerka innovattiva għat-teknoloġija “ekoloġikament sensittiva” għad-disinn tal-vapuri, il-portijiet u l-operazzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea għandha teżamina l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi Ewropej fi bnadi oħra tad-dinja. Din l-inizjattiva se jkollha l-benefiċċju addizzjonali li toħloq aktar impjiegi fil-pajjiżi tal-UE (“impjiegi ekoloġikament sensittivi”). Investimenti intelliġenti f’sistemi aktar ekoloġikament sensittivi għall-vapuri, l-effiċjenza enerġetika u l-portijiet iħaffu l-irkupru mill-kriżi ekonomika dinjija.

1.6.   Il-KESE jsostni li bilanċ bejn il-leġiżlazzjoni u l-inizjattiva tal-industrija jista’ jikseb riżultati aħjar. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina kif hija tista’ tieħu vantaġġ mill-aħjar prattiki fil-livell tal-UE. “It-tħaddir” favur il-ħarsien tal-ambjent huwa negozju tajjeb u jista jiġġenera aktar impjiegi. M’hemm l-ebda kunflitt bejn trasport marittimu u tal-passaġġi tal-ilma sostenibbli u l-profitabbiltà.

1.7.   Il-KESE jista’ jservi bħala il-“komunikatur” uffiċjali ta’ politiki ekoloġikament sensittivi ġodda għas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea sabiex tinħoloq “kultura ekoloġikament sensittiva”. Jista’ jkun il-Forum Ewropew li jqajjem kuxjenza fost is-soċjetà ċivili organizzata dwar l-ambjent. Qabel ma jirnexxielna naslu biex ikollna “l-vapur ekoloġikament sensittiv”, “il-karburant ekoloġikament sensittiv” u “l-port ekoloġikament sensittiv”, għandna nbiddlu l-mod kif naħsbu u naġixxu fuq il-bażi ta’ kuljum u nakkwistaw kuxjenza aktar ekoloġika.

1.8.   F’termini ta’ emissjonijiet tas-CO2 it-trasport marittimu u dak tal-ibħra interni huma rikonoxxuti bħala l-aktar mezzi effiċjenti ta’ trasport kummerċjali. Il-promozzjoni tan-navigazzjoni interna tista’ tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-politika ambjentali tal-UE. Użu aktar estensiv ta’ din il-modalità huwa element importanti biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport.

1.9.   It-trasport marittimu se jkompli jikber fil-ġejjieni qasir biex jaqdi l-kummerċ dinji li dejjem qed jikber, u għalhekk anke l-emissjonijiet tiegħu. Għalhekk jidher li l-emissjonijiet minn din il-modalità ser jiżdiedu. Tnaqqis sinifikanti jista’ jinkiseb permezz ta’ serje ta’ miżuri tekniċi u operazzjonali.

1.10.   Meta tiġi kkunsidrata l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (ETS) għat-trasport marittimu, il-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-trasport marittimu fis-suq dinji m’għandhiex tintlaqat ħażin. Skema globali tkun wisq aktar effikaċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-tbaħħir internazzjonali minn skema tal-UE jew xi skema reġjonali oħra.

1.11.   L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata fit-trasport marittimu milli fl-avjazzjoni, u l-aktar fit-trasport marittimu mingħajr korsa regolari. Taxxa fuq is-CO2 (il-karburanti tal-bastimenti) jew xi għamla oħra ta’ taxxa tista’ tkun daqstant “effikaċi” u wisq aktar sempliċi biex titħaddem fit-trasport marittimu jekk titħaddem internazzjonalment.

1.12.   L-istandardizzazzjoni ta’ kunċetti edukattivi u ta’ taħriġ għall-ekwipaġġ ta’ bastimenti għat-tbaħħir intern, li tkun tista’ titqabbel ma’ standards għat-trasport marittimu se tkun ta’ ġid, l-aktar fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża.

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1.   Għalkemm il-mezzi tat-trasport marittimu u dak intern huma kompetittivi, sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent, il-Kummissjoni għandha teżamina l-potenzjal għal aktar żviluppi permezz ta’ sinerġiji bejn azzjonijiet regolatorji u inizjattivi tal-industrija.

2.2.   Il-KESE jinnota li hemm bżonn li titjieb l-infrastruttura tal-potijiet u tal-kanali biex jiġu akkomodati vapuri akbar, tiġi eliminata l-konġestjoni fil-portijiet u tiġi massimizzata l-bidla fid-direzzjoni ta’ malajr fil-port.

2.3.   L-Istati Membri, kemm fuq bażi individwali kif ukoll dik kollettiva għandhom jimplimentaw miżuri adegwati fil-livell ta’ prontezza, mezzi u faċilitajiet biex jirrispondu għal, jiġġieldu u jtaffu l-effetti tat-tniġġis fl-ilmijiet tal-UE.

2.4.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-industrija u inizjattivi oħra ambjentali u teżamina kif tista’ tikkapitalizza mill-aħjar prattiki biex jonqsu l-emissjonijiet fl-arja mill-bastimenti fil-livell tal-UE.

2.5.   Biex jinkisbu l-“Vapur Ekoloġikament Sensittiv” u l-“Port Ekoloġikament Sensittiv” tal-Futur, il-Kummissjoni għandha tappoġġja l-industrija tal-UE biex tkun minn ta’ quddiem fir-riċerka tat-teknoloġija tal-vapuri u tal-portijiet.

2.6.   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex teżamina l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi Ewropej fi bnadi oħra tad-dinja. Din l-inizjattiva se jkollha l-benefiċċju addizzjonali li toħloq aktar impjiegi fil-pajjiżi tal-UE (“impjiegi ekoloġikament sensittivi”).

2.7.   Il-KESE jipproponi li tittejjeb il-loġistika bħal rotot iqsar, inqas vjaġġi bi stivi/tankijiet mingħajr merkanzija (vjaġġi bis-saborra) u aġġustamenti għal ħinijiet aħjar ta’ wasla bħala mezzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti.

2.8.   L-UE trid tappoġġja lill-IMO fl-isforzi tagħha biex tipprovdi regolamentazzjoni globali għat-tbaħħir internazzjonali u biex tindirizza l-ħtieġa għall-bini tal-kapaċità fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera.

2.9.   Ħafna mill-inċidenti fis-settur tat-trasport jiġru minħabba żbalji umani. Hemm bżonn li jitħares il-benesseri tal-baħħara li jkunu abbord (il-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol) Għalhekk, għandu jsir kull sforz biex tiddaħħal kultura soċjali ta’ sigurtà u korporattiva.

2.10.   Il-kwalità tal-karburanti marini taffettwa s-saħħa tal-bniedem. Il-KESE jemmen li għall-industriji involuti din għandha tkun kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva li jieħdu passi oħra b’mod volontarju biex jitħares l-ambjent u titjieb il-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà ġenerali.

2.11.   L-espansjoni tal-flotta dinjija li tuża' il-gass naturali likwifikat (LNG) tippreżenta sfidi importanti f’termini ta’ uffiċjali li huma mħarġa tajjeb u ċċertifikati biex iħaddmuha. In-nuqqas ta’ uffiċjali kwalifikati jirrikjedi azzjoni biex il-livelli ta’ rekrutaġġ u taħriġ jiżdiedu.

2.12.   L-attivitajiet u l-inċidenti fl-ibħra miftuħa jista’ jkollhom impatt fuq l-ilmijiet tal-UE. Il-KESE jissuġġerixxi l-użu tas-Servizz tal-Monitoraġġ u Sorveljanza bis-Satellita tal-EMSA. Huma joffru kapaċità mtejba ta’ detezzjoni, interventi fil-ħin, u azzjonijiet ta’ tindif. Finanzjar adegwat tal-EMSA jsaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ koordinament.

2.13.   Jeħtieġ li jiġu żviluppati programmi ta’ reklutaġġ, edukazzjoni u taħriġ għall-ekwipaġġi tat-tbaħħir intern, l-aktar fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, biex jiġu attirati żgħażagħ lejn is-settur u biex jinżammu l-ħiliet meħtieġa.

3.   Dħala Ġenerali

3.1.   Din l-opinjoni esploratorja hija msejsa fuq żewġ assi: “Kif jista’ jsir it-tħaddir tal-ambjent fl-oċeani kif ukoll ix-xmajjar waqt li titħares il-kompetittività tal-industrija tat-trasport”. Il-mistoqsija qed issir fl-ambitu tal-Komunikazzjonijiet dwar “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (1) u dwar “Strateġija għat-twettiq ta’ l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż esterni” (2). Il-pakkett għandu strateġija li l-mira tagħha hija li jiġi żgurat li l-prezzijiet tat-trasport jirriflettu aħjar kemm verament jiswew lis-soċjetà, biex il-ħsara fl-ambjent u l-konġestjoni ikunu jistgħu jitnaqqsu gradwalment biex b’hekk tingħata spinta lill-effiċjenza tat-trasport u lill-ekonomija kollha kemm hi. Il-KESE jilqa’ dawn l-inizjattivi li huma konformi mal-Istrateġija ta’ Liżbona/Göteborg.

3.2.   Għat-tbaħħir intern l-istrateġija tħabbar l-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni. Għat-trasport marittimu, fejn l-internalizzazzjoni għadha ma bdietx, tobbliga lill-Kummissjoni Ewropea taġixxi fl-2009 jekk l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ma tkunx qablet dwar miżuri konkreti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra sa dak iż-żmien. Għat-trasport marittimu, l-istrateġija se tiġi żviluppata b’konformità mal-Politika Marittima Integrata l-ġdida għall-UE.

3.3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew enfasizzaw l-importanza ta’ politika tat-trasport sostenibbli, l-aktar fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Huma saħqu li t-trasport għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

3.4.   Il-KESE ifakkar li t-trasport marittimu, inkluż it-trasport marittimu għal distanzi qosra, huwa mod ta’ trasport li għandu jkun distint strettament minn dak fl-ibħra interni mill-aspett ekonomiku, soċjali, tekniku u nawtiku. Hemm differenzi kbar u kruċjali bejn is-swieq li fihom joperaw dawn il-modi, ir-regoli u ċ-ċirkustanzi soċjali li japplikaw għalihom, il-kejl tal-piżijiet u l-magni, il-kapaċità ta’ ġarr, ir-rotot u l-istruttura tal-passaġġi fuq l-ilmijiet. It-trasport bil-baħar u dak bl-ajru huma evidentement forom ta’ trasport globali, waqt li l-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fil-kontinent tal-Ewropa ġeneralment huma inklużi fil-kategorija tal-hekk imsejjaħ trasport intern, li jinkludi wkoll it-trasport bit-triq u bil-ferrovija fl-Ewropa (3). Għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel distinzjoni fid-dokumenti u l-konsultazzjonijiet u biex tqis it-tbaħħir intern bħala forma ta’ trasport intern.

4.   Il-kuntest tal-bidla fil-klima

4.1.   It-tisħin globali, l-impatt tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem u l-provvista limitata taż-żejt fid-dinja huma inċentivi kbar għall-politika tal-UE biex is-settur tat-trasport isir inqas dipendenti fuq il-karburanti fossili. Il-konsum tal-karburanti fossili jarmi d-dijossidu tal-karbonju (CO2), li huwa l-gass b’effett ta’ serra predominanti. Minħabba f’hekk il-politiki ambjentali attwali huma ffukati kważi esklussivament fuq sforzi biex jittaffew l-emissjonijiet tas-CO2. Madankollu, l-aktar gass importanti b’effett ta’ serra li mhux CO2 huwa l-gass tal-metanu (CH4) li joħroġ mis-settur tal-bhejjem.

4.2.   Il-KESE jemmen li l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport marittimu u tal-ilmijiet interni għandha titqabbel mal-prestazzjoni tat-trasport bl-art u mat-tniġġis li joriġina minn sorsi bbażati fuq l-art. Il-KESE jtenni (4) li jeħtieġ ikun hemm approċċ ħolistiku li jqis kull miżura għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet, il-ħtieġa li tiġi mħeġġa l-innovazzjoni, l-aspetti ekonomiċi tal-kummerċ dinji u l-ħtieġa li jiġu evitati l-effetti negattivi ta’ żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 meta jitnaqqsu elementi oħra li jniġġsu, jiġifieri biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi mhux maħsuba bejn politiki differenti.

4.3.   Miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu u tal-ilmijiet interni għandhom ikunu prattiċi u effiċjenti f’sens ta’ nfiq, u applikabbli għall-bastimenti kollha (irrispettivament mill-bandiera), inklużi d-dgħajjes tal-btajjel u jekk possibbli l-bastimenti tal-gwerra (5). Miżuri futuri għandhom ukoll ikunu msejsa fuq evalwazzjoni ambjentali, teknika u soċjoekonomika tajba. Barra minn hekk, liġijiet li jftittxu li jiksbu frankar minimu ta’ gassijiet b’effett ta’ serra bi spejjeż kbar, jistgħu jirriżultaw f’ċaqlieq fl-użu tal-mezzi lejn mezzi oħra tat-trasport li jirrispettaw inqas l-ambjent. Ir-riżultat ikollu effett globali negattiv għall-impatt fuq it-tisħin globali.

4.4.   Wieħed mill-aspetti tal-politiki ekoloġiċi li sikwit jiġi injorat huwa l-benefiċċju ekonomiku tagħhom. Filfatt “l-ekonomija ekoloġikament sensittiva” hija waħda mill-modi biex tintemm il-kriżi dinjija. L-ekonomija ekoloġikament sensittiva emerġenti qed tiġġenera opportunitajiet ta’ impjiegi ekoloġikament sensittivi (6). Il-Kummissarju Dimas iddikjara li “investimenti ekoloġikament sensittivi” se joħolqu żewġ miljuni impjiegi fl-UE fl-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk “l-ekonomija ekoloġikament sensittiva” mhix lussu.

4.5.   Jista’ jkun hemm aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu u dak tal-ilmijiet interni iżda l-impatt tiegħu ma tantx se jkun sinifikanti minħabba li l-prodotti jeħtieġ li jittieħdu minn post għall-ieħor irrispettivament mill-ispejjeż addizzjonali, li f’kull każ jagħmlu tajjeb għalihom il-konsumaturi.

5.   “It-Tħaddir” tat-trasport Marittimu

5.1.   Iż-żieda fl-industrijalizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji espandew il-kummerċ dinji u d-domanda għal prodotti għall-konsumatur. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Marittima tal-UE (7) jagħmel enfasi partikolari fuq it-trasport marittimu bħala mod ta’ trasport kompetittiv, sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent.

5.2.   Sar titjib kostanti tul diversi snin fl-effiċjenza ambjentali tat-tbaħħir. It-tniġġis mill-operazzjonijiet tnaqqas għal ammont insinifikanti. Titjib sinifikanti fl-effiċjenza tal-magni u d-disinn tal-bwieq wasslu għal tnaqqis ta’ emissjonijiet u żieda fl-effiċjenza tal-karburanti. Meta jitqies il-volum ta’ prodotti li jinġarru fuq il-bastimenti, il-kontribut tat-trasport marittimu fl-emissjonijiet tas-CO2 huwa żgħir (2,7 %) (8).

5.3.   Is-silġ li qed jinħall fil-baħar fir-Reġjun tal-Artiku qiegħed progressivament joħloq opportunitajiet għal tbaħħir fuq rotot fl-ibħra Artiċi (9). Vjaġġi iqsar mill-Ewropa għall-Paċifiku għandhom jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-emissjonijiet. L-importanza tar-rotta Artika ingħatat prominenza fl-opinjoni tal-KESE dwar “Politika Marittima Integrata għall-UE” (10). Fl-istess ħin, hemm ħtieġa li qed tikber li jiġi ppreżervat l-ambjent marin ta’ dan ir-reġjun flimkien mal-popolazzjoni tiegħu u li titjieb il-gvernanza fil-livelli differenti. Rotot marittimi ġodda f’dan ir-reġjun għandhom jiġu studjati b’kawtela sakemm issir stima tal-impatt ambjentali tan-NU. Għal żmien qasir u medju, il-KESE jissuġġerixxi li dan ir-reġjun jitqies bħala żona ta’ konservazzjoni naturali. Għalhekk huwa mixtieq li fil-livell tal-UE u tan-NU jinstab bilanċ bejn il-parametri differenti ta’ din ir-rotta ġdida. Huma mistennija aktar benefiċċji mill-estensjoni tal-Kanal tal-Panama, li mistenni jitlesta sal-2015.

5.4.   It-trasport marittimu huwa regolat ħafna b’aktar minn 25 Konvenzjoni u Kodiċi internazzjonali kbar. Il-MARPOL73/78 hija l-Konvenzjoni internazzjonali ewlenija li tkopri l-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu minn bastimenti minħabba kawżi operazzjonali jew aċċidentali (11). It-trasport marittimu huwa regolat ukoll minn liġijjiet komprensivi tal-UE, l-aktar mill-pakketti ta’ ERIKA I u II u mit-Tielet Pakkett ta’ Sikurezza Marittima (2009). Il-leġiżlazzjoni saħħet ħafna s-sikurezza marittima, il-monitoraġġ tat-tniġġis u, fejn xieraq, l-interventi biex ma jkunx hemm jew jittaffew il-konsegwenzi tal-inċidenti.

5.5.   L-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, rivedut reċentement, dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja minn bastimenti, jintroduċi limiti aktar stretti ta’ emissjonijiet tal-Ossidu tal-Kubrit (SOx), il-Materja ta’ Partikulu (PM) u Ossidu tan-Nitroġenu (NOx). Tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 fl-arja minn vapuri jista’ jinkiseb permezz ta’ serje ta’ miżuri tekniċi u operazzjonali. Ħafna minn dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati biss fuq bażi volontarja. It-tnaqqis fil-veloċità (“slow steaming”) hija l-aktar miżura effiċjenti b’effett immedjat. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha jiddependi mill-ħtiġijiet tal-kummerċ.

5.6.   Il-KESE jemmen li jistgħu jinkisbu riżultati aħjar b’taħlita bbilanċjata ta’ leġiżlazzjoni u inizjattivi industrijali, bħall-objettivi pijuniristiċi tal-Hellenic Marine Environment Protection Association (HELMEPA) (12), Il-“Premju għall-Isfida ta’ Poseidon” (13), il-“Foresta fuq Wiċċ l-Ilma” (14), u l-“Fondazzjoni tal-Premju Aħdar” (15).

5.7.   Meta tiġi kkunsidrata l-iskema tat-tpartit tal-Emissjonijiet (ETS) għat-trasport marittimu, il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-vapuri fis-suq globali m’għandhiex tintlaqat ħażin, għax inkella jinħoloq kunflitt mal-Aġenda ta’ Liżbona. Qabel ma tiddeċiedi, il-Kummissjoni għandu jkollha tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li ġejjin: x’ikun il-benefiċċju għall-ambjent mill-introduzzjoni ta’ skema bħal din fit-trasport marittimu internazzjonali u kif għandha taħdem din l-skema fil-prattika f’industrija daqshekk internazzjonali bħat-trasport marittimu? F’dan l-isfond, skema globali taħt l-IMO tkun aktar effikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport marittimu minn skema tal-UE jew xi skema reġjonali oħra.

5.8.   Il-pressjoni politika biex it-tbaħħir jiddaħħal fl-ETS tal-UE sal-2013 hija ċara. L-applikazzjoni tal-ETS hija konsiderevolment aktar ikkumplikata għat-trasport marittimu milli għall-avjazzjoni, u l-aktar għal bastimenti mingħajr korsa regolari, minħabba fil-prattiċitajiet tad-dinja tal-kummerċ marittimu li jagħmilha diffiċli li l-ETS jiġu kalkolati. It-tbaħħir internazzjonali predominantement huwa okkupat bil-ġarr tal-merkanzija f’xejriet ta’ kummerċ li l-ħin kollu jinbidlu madwar id-dinja. Ħafna mill-bastimenti tal-UE għandhom bħala port ta’ tagħbija jew ta’ ħatt, port li mhuwiex fl-UE li huwa deċiż minn min qed jikri. Il-vapuri mhumiex omoġenji, u għalhekk hija diffiċli li jkun hemm punt ta’ referenza. It-tbaħħir huwa kkaratterizzat minn ħafna kumpaniji żgħar u minħabba f’hekk il-piż amministrattiv tal-ETS ikun tqil wisq. Ħafna mill-vapuri fis-settur mingħajr korsa regolari, li huma il-parti l-kbira tat-tbaħħir, jidħlu fl-UE okkażjonalment biss. Il-mili tal-karburant għall-vapuri waqt il-vjaġġi jista’ jsir f’portijiet li mhumiex tal-UE u l-kalkoli tal-konsum tal-karburanti bejn il-portijiet huwa bbażat fuq stimi biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, diversi pajjiżi jistgħu ikunu involuti fl-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-ETS: per eżempju il-pajjiż ta’ sid il-vapur, l-operatur tal-vapur, dak li jikrieħ, sid it-tagħbija, min jirċievi it-tagħbija. Barra minn hekk skema tal-ETS tal-UE għat-trasport marittimu trid tiġi applikata għall-bastimenti kollha li jżuru l-portijiet tal-UE, b’possibbiltà reali li jkun hemm miżuri ta’ ritaljazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE li ma japplikawx l-ETS għall-vapuri li għandhom il-bandiera tagħhom.

5.9.   Minflok, taxxa fuq id-dijossidu tal-karbonju (il-karburant tal-bastimenti), jew xi għamla oħra ta’ taxxa, tkun daqstant “effikaċi”, u ħafna iktar faċli biex titħaddem. Barra minn dan, ikun aktar faċli jiġi żgurat li fondi miġburin b’dan l-mod jintefqu verament f’inizjattivi favur l-ambjent.

5.10.   Fil-ġejjieni qarib sistemi tal-propulsjoni tal-vapuri se jibqgħu jiddominaw b’karburanti abbażi tal-karbonju. Il-gass se jkun karburant alternattiv u jibda jintuża b’mod aktar wiesa’ meta jkunu hemm infrastrutturi ta’ distribuzzjoni. Studji ta’ fattibiltà għal ċelloli tal-karburant imħaddmin bil-gass naturali juru tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2. Barra min hekk, il-ħidma fil-ġejjieni tal-IMO ser tiffoka fuq it-tnaqqis tal-ħsejjes mill-vapuri.

5.11.   Mhux probabbli li jinkiseb biżżejjed bijokarburant sostenibbli għat-trasport marittimu jew li l-qbid u l-ħażna tas-CO2 u tal-Idroġenu ser ikollhom impatt importanti fuq it-tbaħħir fl-għoxrin sena li ġejjin. L-enerġija mir-riħ, bħal Skysails u x-xemx waħidha mhijiex biżżejjed biex tħaddem il-vapuri, iżda tista’ tikkontribwixxi flimkien mal-magni. L-użu ta’ l-elettriku mix-xatt (cold ironing) ser jippermetti operazzjonijiet li aktar jirrispettaw l-ambjent fil-port. Il-propulsjoni nukleari li teħtieġ infrastruttura speċjali u kapaċitajiet ta’ reazzjoni f’emerġenza mhix għażla vijabbli għal bastimenti tal-merkanzija.

6.   “It-Tħaddir” tat-Tbaħħir Intern

6.1.   It-tbaħħir intern jaqdi rwol mhux negliġabbli fit-trasport intern Ewropew minħabba li s-sehem modali tat-trasport fuq ix-xmajjar ilaħħaq 5,3 % tat-trasport intern totali fl-UE, u f’xi reġjuni b’kanali tal-ilma kbar jilħaq l-40 %. Dat-tip tat-trasport huwa affidabbli, effiċjenti f’sens ta’ nfiq, sikur u effiċjenti fl-enerġija. Il-promozzjoni tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilmijiet interni tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-politika ambjentali tal-UE. L-użu aktar estensiv tiegħu huwa essenzjali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport. Dan jimxi id f’id mal-politika tal-UE biex tindirizza l-kwistjoni tal-konġestjoni eċċessiva tat-toroq.

6.2.   Tradizzjonalment it-tbaħħir intern kien regolat mir-regoli tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (CCNR) li permezz tagħha ddaħlu livelli għoljin kemm mill-aspett tekniku kif ukoll dak tas-sigurtà. Il-leġiżlazzjoni bbażata fuq it-Trattat ta’ Mannheim hija applikabbli għall-pajjiżi riparji tar-Rhine. Fiha regolamenti għas-sigurtà, ir-responsabbiltà u l-ħarsien mit-tniġġis. Minħabba f’dawn il-livell għoljin, in-navigazzjoni interna hija kkaratterizzata b’livell unifikat għoli ħafna fil-kwalità u s-sigurtà tat-tagħmir tal-bastimenti u t-taħriġ tal-ekwipaġġ. Fuq il-bażi tar-regoli li nibtu mit-Trattat ta’ Mannheim, reċentement, fid-Direttiva 2006/87/KE l-UE daħlet rekwiżiti komprensivi ta’ natura teknika u operattiva għall-bastimenti li jbaħħru internament.

6.3.   Il-leġiżlazzjoni tal-UE (16) tistabbilixxi limiti għall-kwalità tal-karburant użat mill-bastimenti tal-ilmijiet interni. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (17) dwar il-kontenut tal-kubrit fil-karburant li għandha l-ħsieb li ddaħħal tnaqqis fil-kontenut tal-kubrit kemm għall-bastimenti marittimi kif ukoll dawk tal-ilmijiet interni. Is-settur tan-navigazzjoni tal-ilmijiet interni kien favur it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit fil-karburanti f’darba waħda minn 1 000 ppm għal 10 ppm. Reċentement, il-Parlament Ewropew aċċetta din il-proposta mis-settur tan-navigazzjoni interna u ddeċieda li jbaxxi l-kontenut tal-kubrit għal 10 ppm f’pass wieħed sa mill-2011. Għall-ġejjieni mhux ’il bogħod wisq, it-tbaħħir intern jista’ jibbenefika mill-użu ta’ sistemi mingħajr emissjonijiet bħal ċelloli tal-karburant. Il-barkun il-ġdid ta’ tbaħħir intern “CompoCaNord” u t-tanker Futura li nbena m’ilux fil-Ġermanja u it-Tug boat ibrida tal-port li taħdem bl-idroġenu u kważi m’għandiex emissjonijiet huma eżempji konkreti. Barra minn hekk, liġijiet ġodda (18) jirregolaw it-trasport ta’ prodotti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bit-tbaħħir intern fi Stati Membri jew bejniethom.

6.4.   It-tkabbir reċenti tal-UE wessa’ n-netwerk ta’ passaġġi fuq l-ilmijiet interni mill-Baħar tat-Tramuntana sal-Baħar l-Iswed permezz tal-konnessjoni bejn ix-xmajjar Rhine u d-Danubju. Il-passaġġi fuq l-ilmijiet interni joffru potenzjal kbir għat-trasport affidabbli ta’ merkanzija u jitqabblu tajjeb ma’ modi oħra, li ta’ sikwit jiffaċċjaw problemi ta’ konġestjoni u volum ta’ ġarr.

6.5.   Ma jkunx realistiku li t-tbaħħir intern jiġi trattat bħall-attivitajiet nazzjonali li jistgħu jiġu regolati b’liġijiet domestiċi jew reġjonali. Bastimenti tat-tbaħħir intern li jtajru l-bandiera tal-Kroazja, l-Ukrajna, is-Serbja u l-Moldova diġà qed joperaw fuq xmajjar u f’kanali Ewropej, u l-liberalizzazzjoni tat-trasport Russu fuq ix-xmajjar u l-aċċess ta’ operaturi tal-UE għalih u viċeversa, għandha wkoll tagħti dimensjoni internazzjonali lit-tbaħħir intern tal-UE.

6.6.   Waħda mill-kundizzjonijiet u l-isfidi l-aktar importanti biex it-tbaħħir intern ikun affidabbli huwa t-titjib tal-infrastruttura fiżika li tneħħi l-konġestjonijiet u li ssir il-manutenzjoni meħtieġa. Il-KESE jfakkar l-opinjoni preċedenti (19) tiegħu u jittama li azzjonijiet skont il-proġett ta’ NAIADES (20) jerġgħu jagħtu l-ħajja lit-tbaħħir intern u jagħmluha possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti ta’ żvilupp tal-infrastruttura.

6.7.   Fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, it-tbaħħir intern, li ma tantx hu mezz li jintuża, m’għandux ikun l-ewwel wieħed. Kull politika li tfittex li tkun imposta taxxa fuq il-karbonju għat-tbaħħir intern ikollha tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet legali minħabba li skont il-Konvenzjoni ta’ Mannheim (1868), għar-Rhine ma japplikawx tariffi. F’termini prattiċi, 80 % tat-tbaħħir intern attwali jseħħ fuq ir-Rhine. Il-KESE jinnota li l-inkompatibbiltà tar-reġimi legali bejn it-Trattat tar-Rhine u dak tad-Danubju tolħloq problemi fil-leġiżlazzjoni ambjentali tad-Danubju: Huwa jissuġġerixxi li jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex ikun hemm uniformità tar-regoli fil-ġejjieni (ambjentali, soċjali u tekniċi) bħala mezz biex tiġi ffaċilitata n-navigazzjoni interna.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 433 finali, SEC(2008)2206.

(2)  COM(2008) 435 finali.

(3)  It-terminu “fuq l-ilma”, li japplika għaż-żewġ modalitajiet, jirreferi biss għall-mezz li bih it-trasport jimxi. Ma jurix il-mezz tat-trasport u l-implikazzjonijiet tal-politika ambjentali. Il-fatt li DG TREN daħlet it-trasport bit-triq u tal-ferrovija, iżda mhux tal-ilmijiet interni, taħt it-titlu ta’ trasport intern, ma jbiddilx dan il-fatt.

(4)  ĠU C 168, 20.7.2007, pġ. 50; ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

(5)  Ara nota f’qiegħ il-paġna 4.

(6)  UNEP Green Job.

(7)  SEC(2007) 1278.

(8)  IMO: Studju Aġġornat tal-2000 dwar l-Emissjonijiet tal-Gassijiet b’effett ta’ Serra.

(9)  COM(2008) 763.

(10)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 31.

(11)  Il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri ser tkompli tissaħħaħ bl-implimentazzjoni fil-ġejjieni tal-Konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sistemi ta’ antifouling, l-ilma tas-saborra, it-tneħħija ta’ strutturi mfarka, bunkers u r-riċiklaġġ tal-vapuri (liser tiġi adottata fl-2009).

(12)  HELMEPA, li twaqqfet fl-1981 serviet ta’ mudell għall-ħolqien ta’ CYMEPA, TURMEPA, AUSMEPA, NAMEPA, UKRMEPA, URUMEPA u INTERMEPA.

(13)  Mwaqqaf mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sidien Indipendenti tat-Tankers (Intertanko) fl-2005.

(14)  Stabbilita fir-Renju Unit, info@flyingforest.org

(15)  Stabbilita fl-Olanda, www.greenaward.org.

(16)  Direttiva 2004/26/KE, ĠU L 225, 25.6.2004, p. 3.

(17)  COM (2007) 18.

(18)  Direttiva 2008/68/KE, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

(19)  ĠU C 318 tat- 23.12.2006, pġ 218 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  COM(2006) 6.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata”

(Opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/05)

Rapporteur: is-Sur SIMONS

F’ittra bid-data tal-24 ta’ Novembru 2008, il-Presidenza Ċeka tal-Unjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’89 vot favur, 33 vot kontra u 17-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew illimita l-iskop ta’ din l-opinjoni u għalhekk ser tittratta biss it-trasport bit-triq tal-merkanzija, b’konformità mal-informazzjoni addizzjonali riċevuta mingħand il-Presidenza Ċeka. Ser titħejja opinjoni separata dwar it-trasport professjonali tal-passiġġieri bit-triq.

1.2.   Il-previżjonijiet kollha relatati mat-trasport bit-triq tal-merkanzija jindikaw li sal-2020 ser ikun hemm żjieda qawwija ta’ madwar għexieren ta’ punti perċentwali. Minħabba l-kriżi ekonomika attwali, iż-żjieda ser tistaġna matul is-snin li ġejjin, iżda mhu ser tħalli l-ebda impatt determinanti fuq is-sitwazzjoni fl-2020.

1.3.   Jekk fl-2020 ikun hemm żjieda, dan ikun fisser, b’mod partikolari, li ġie enfasizzat l-approċċ indikat mill-Kummissjoni fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar it-trasport, jiġifieri l-kunċett tal-komodalità, sabiex tinħoloq politika tat-trasport integrata msejsa fuq prinċipji ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi; dan l-approċċ kien appoġġjat ukoll mill-Kumitat fl-opinjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2007.

1.4.   Iż-żjieda prevista twassal għal numru ta’ problemi li diġà qegħdin jaffrontaw l-awtoritajiet sopranazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet interessati u ċ-ċittadini: l-emissjonijiet tas-CO2, id-dipendenza tas-settur tat-trasport mill-karburanti fossili, in-nuqqas ta’ infrastruttura sigura sodisfaċenti u l-garanzija ta’ kondizzjonijiet u ambjent tax-xogħol tajbin għax-xufiera.

1.5.   Sabiex jiġu ffaċċjati dawn il-problemi, il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li jinħoloq sens komuni ta’ urġenza bil-għan li jiġi garantit l-appoġġ li huwa daqshekk indispensabbli.

1.6.   Fir-rigward tal-miżuri essenzjali, il-Kumitat iqis li hemm bżonn jissaħħu l-isforzi biex jiġi indirizzat is-sors tal-emissjonijiet tas-CO2, b’mod partikolari billi jiġu żviluppati malajr kemm jista’ jkun magni ta’ ġenerazzjoni ġdida li ma jużawx ħafna enerġija.

1.7.   Fir-rigward tad-dipendenza tas-settur tat-trasport professjonali mill-karburanti fossili, il-Kumitat jemmen li huwa indispensabbli li jiġi implimentat programm ta’ riċerka u ta’ żvilupp li jkollu biżżejjed riżorsi finanzjarji u li jiffoka fuq l-użu tal-enerġiji sostenibbli fis-settur tat-trasport.

1.8.   Fil-fehma tal-Kumitat, il-miżuri fiskali li jippromovu prodotti u/jew miżuri li jikkontribwixxu għall-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ propulsjoni u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Waħda mill-miżuri tista’ tkun it-tneħħija rapida tal-mudelli antiki tat-trakkijiet.

1.9.   Apparti l-innovazzjonijiet tekniċi u l-investimenti simili, hemm bżonn li tiġi żviluppata malajr l-infrastruttura neċessarja biex tiġi adattata għaż-żjieda prevista, b’mod partikolari billi jinbnew biżżejjed żoni ta’ parkeġġ u stazzjonijiet ta’ servizz li huma attrezzati, siguri u ssorveljati. Dawn iridu jibnew b’mod li bl-għajnuna tagħhom is-sewwieqa jkunu jistgħu josservaw il-pawżi u l-ħin ta’ mistrieħ statutorji tagħhom, u jkunu jistgħu jistrieħu tassew matulhom. B’mod partikolari, is-sewwieqa jridu jiġu mħarsa milli jiġu misruqa, aggrediti jew minn forom oħra ta’ kriminalità. Iridu jiġu żviluppati standards applikabbli universalment (disinn strutturali, servizzi mogħtija, sistemi ta’ gwida għall-parkeġġ) u jiġu introdotti mingħajr dewmien fl-istazzjonijiet ta’ servizz u ż-żoni ta’ parkeġġ – mhux biss fl-awtostradi. It-titjib taż-żoni tal-parkeġġ u tal-istazzjonijiet ta’ servizz jista’ jiġi ffinanzjat mit-tariffi fuq it-trakkijiet. Fis-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali, dawn l-investimenti joffru wkoll il-vantaġġ li jistimulaw l-attività ekonomika.

1.10.   Bħala professjoni, hemm bżonn li l-impjieg tax-xufiera jinżamm attraenti billi jiġu garantiti kondizzjonijiet u ambjent tax-xogħol favorevoli, bħal ħin ta’ xogħol regolat, ħinijiet armonizzati ta’ sewqan u ta’ mistrieħ, li mhumiex biss imniżżlin fil-leġiżlazzjoni iżda li jitwettqu fil-prattika. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ukoll li jiġu armonizzati l-kontrolli tal-istandards soċjali f’dan is-settur fuq livell għoli fl-UE u li, fejn meħtieġ, jiġu soġġetti għal sanzjonijiet. Jaħseb li d-djalogu soċjali bejn dawk li jħaddmu u l-ħaddiema fil-livell nazzjonali u Komunitarju huwa essenzjali għat-tħaddim tajjeb tas-settur.

1.11.   Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-proposti mressqa f’din l-opinjoni ma jridux biss iservu biex joħolqu sens ta’ urġenza, iżda fuq kollox iridu jwasslu biex tittieħed azzjoni minnufih biex it-tkabbir li huwa mistenni jiġi ttrattat b’mod sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Fl-24 ta’ Novembru 2008, fil-kuntest tal-Presidenza Ċeka futura tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel sitt xhur tal-2009, is-Sur Aleš Řebicek, Ministru Ċek għat-Trasport, kiteb lis-Sur Martin Westlake, Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.2.   Fl-ittra tiegħu, is-Sur Aleš Řebicek indika li jikkunsidra essenzjali li tinħoloq kooperazzjoni armonjuża bejn il-Ministeru Ċek għat-Trasport u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex il-programm tal-Presidenza Ċeka jitwettaq aħjar.

2.3.   Għalhekk, il-Presidenza Ċeka talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja dwar “It-trasport bit-triq fl-2020: l-istennijiet tas-soċjetà ċivili organizzata”. Din hija kwistjoni ta’ importanza politika prinċipali u hija marbuta mill-qrib mal-iżviluppi li għaddejjin dwar il-kwistjoni tal-Eurovignette u mal-aġenda tat-TEN–T li ser tiġi ppubblikata dalwaqt.

2.4.   Sabiex ma jdumux biex jinġabru l-fehmiet tad-diversi gruppi soċjali kkonċernati, il-Kumitat qies utli li tiġi organizzata seduta sabiex ir-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi jkunu jistgħu jesprimu l-fehma tagħhom.

2.5.   Il-fehmiet tar-rappreżentanti tad-diversi gruppi soċjali kkonċernati li ġew espressi matul is-seduta jinsabu mehmużin ma’ din l-opinjoni (1).

2.6.   F’din l-opinjoni esploratorja, “transport bit-triq” huwa t-trasport bit-triq tal-merkanzija, b’konformità mal-informazzjoni addizzjonali riċevuta mingħand il-Presidenza Ċeka. Ser titħejja opinjoni separata dwar it-trasport professjonali tal-passiġġieri bit-triq.

2.7.   Minħabba din ir-restrizzjoni, il-konklużjonijiet misluta jridu jintużaw bil-prudenza meħtieġa peress li dawn ma jqisux id-dimensjoni addizzjonali li jirrappreżenta t-trasport privat tal-passiġġiera, li l-impatt tiegħu fuq l-infrastruttura huwa kbir ħafna.

2.8.   L-importanza tat-talba tal-Presidenza Ċeka biex jiġu analizzati l-prospetti kollha tas-suq tat-trasport bit-triq sal-2020 issir evidenti fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea, fejn hemm imbassra żjieda ta’ 50 % fit-trasport tal-merkanzija (f’tunnellati/km) fl-UE-25 sal-2020 u ġie kkalkulat, fl-2006, li fis-27 Stat Membru tal-UE, fir-rigward tat-trasport intern, madwar tliet kwarti tat-tunnellati/km (73 %) tat-trasport tal-merkanzija saru bit-triq.

2.9.   It-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jirrappreżenta 17 % tat-tunnellati/km filwaqt li n-navigazzjoni interna u l-pipelines jirrappreżentaw 5 % kull wieħed. Għalhekk għandhom jittieħdu passi biex jiżdied il-perċentwali ta’ dawn il-mezzi tat-trasport u ta’ vjaġġi qosra bil-baħar ta’ ġarr tal-merkanzija.

2.10.   Jekk il-previżjonijiet dwar iż-żjieda fit-trasport sal-2020 – jiġifieri li ser jirdoppja t-trasport internazzjonali bit-triq, li huwa darbtejn aktar rapidu mit-trasport nazzjonali bit-triq – ikunu korretti, dan iwassal għal konsegwenzi prinċipali f’diversi oqsma. B’mod partikolari jista’ jissemma n-nuqqas tal-infrastruttura li jwassal għall-konġestjoni tat-traffiku: jekk ma jitteħdux miżuri drastiċi, ser ikun hemm żjieda qawwija fl-emissjonijiet tas-CO2, fl-istorbju u fil-konsum tal-enerġija. U jekk xejn ma jinbidel, il-kondizzjonijiet u l-ambjent tax-xogħol ser imorru għall-agħar u l-professjoni ta’ xufier issir inqas attraenti.

2.11.   Huwa evidenti li dawn l-elementi jridu jitqiesu bħala problemi kruċjali u dwarhom iridu jsiru għażliet fundamentali. Dawn l-għażliet ser ikunu determinanti għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern fis-suq tat-trasport bit-triq.

2.12.   Diffikultà oħra tinsab fl-istruttura frammentata tas-suq tat-trasport bit-triq. Fl-Ewropa, dan is-settur jinkludi madwar 900 000 intrapriża, li aktar minn nofshom jistgħu jitqiesu bħala intrapriżi żgħar. In-numru ta’ intrapriżi jidher li stabbilizza ruħu iżda d-daqs tagħhom qiegħed jikber. Barra minn hekk, is-suq tat-trasport bit-triq huwa kkaratterizzat minn livell dgħajjef ta’ koeżjoni. Il-parti l-kbira tal-intrapriżi huma żgħar, jaħdmu individwalment u ma tantx huma lesti li jikkooperaw. Minħabba dan, il-proċessi loġistiċi ma jiġux applikati b’mod ottimali, għalhekk il-kwalità ta’ dan is-settur tista’ titjieb iktar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Id-data tal-Eurostat turi li fl-2006, f’25 mis-27 Stat Membru tal-UE, it-trasport bit-triq irrappreżenta aktar minn 50 % (f’tunnellati/km) meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport intern (ferrovija, navigazzjoni interna u pipelines). Fl-Estonja u fil-Latvja biss, aktar minn 60 % tat-trasport sar bil-ferrovija. Skont l-istess studju tal-Eurostat, it-trasport bil-ferrovija jammonta għal 60 % fl-Iżvizzera wkoll.

3.2.   Ta’ min jinnota wkoll li fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, 85 % tat-tunnellati trasportati saru għal distanza ta’ inqas minn 150 km. 15 % tat-tunnellati trasportati għalhekk saru għal distanzi ta’ iktar minn 150 km.

3.3.   Din id-data tiżvela mill-ewwel l-importanza tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, u b’mod aktar eżatt il-flessibilità ta’ dan il-mezz ta’ trasport, peress li għad-distanzi qosra ma hemmx wisq aktar alternattivi.

3.4.   Fir-rigward tal-mezzi ta’ trasport intern, speċjalment għad-distanzi itwal u skont it-tip ta’ merkanzija involuta, il-ferrovija u n-navigazzjoni interna jistgħu jkunu alternattiva ġenwina tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, sakemm il-kwalità tas-servizz tkun tista’ għallinqas titqabbel u l-ispejjeż inevitabbli tat-trasbord tal-merkanzija jkunu aċċettabbli. L-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni tista’ taqdi rwol f’dan ir-rigward.

3.5.   Fir-rigward tar-rotot aċċessibbli bil-baħar, it-trasport marittimu għal distanza qasira jista’ jsir alternattiva sakemm jitneħħew l-ostakoli li jrid jiffaċċja dan it-tip ta’ trasport fil-qasam doganali u amministrattiv u, għal darb’oħra, l-ispejjeż tat-trażbord jibqgħu limitati.

3.6.   Meta jiġi analizzat il-progress previst għall-2020, jista’ jiġi nnotat, fuq il-bażi tal-istudji mwettqa f’dan il-qasam mill-Kummissjoni Ewropea (European Energy and Transport) u mill-istitut ta’ riċerka NEA, li l-prodott gross nazzjonali, u għalhekk it-trasport, ser jiżdiedu b’mod konsiderevoli jekk ma jitteħdux passi biex titneħħa r-rabta bejn dawn iż-żewġ fatturi, kif intqal diġà fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar it-Trasport.

3.7.   Meta mqabbla mad-data tal-2005, il-previżjonijiet għall-flussi tal-merkanzija fl-2020 jindikaw li:

it-trasport intern fl-Ewropa tal-Punent ser jiżdied bi 33 %;

it-trasport intern fl-Ewropa tal-Lvant ser jiżdied b’77 %;

it-trasport mill-Ewropa tal-Punent lejn l-Ewropa tal-Lvant ser jiżdied bi 68 %;

it-trasport mill-Ewropa tal-Lvant lejn l-Ewropa tal-Punent ser jiżdied b’55 %.

Minħabba d-dipendenza tas-settur mill-karburanti fossili, iż-żjieda prevista għat-trasport bit-triq fl-2020 ser tħalli impatt konsiderevoli fuq il-ħażniet tal-enerġija.

3.8.   Għalhekk, b’mod ġenerali, hija mistennija żjieda fil-fluss tal-merkanzija. Matul is-snin li ġejjin, madankollu, minħabba l-kriżi tal-kreditu u r-reċessjoni ekonomika li kkawżat, iż-żjieda ser tkun inqas milli mistennija imma xorta waħda jridu jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċċjata s-sitwazzjoni. Għad fadal aktar minn għaxar snin għall-2020 u r-riskju li l-konsegwenzi tar-reċessjoni jkunu għadhom jinħassu dak iż-żmien huwa żgħir.

3.9.   Iż-żjieda mistennija tat-trasport ġejja miż-żjieda ekonomika tal-UE u għandha sseħħ f’suq aktar integrat fejn huma stabbiliti miżuri armonizzati, bħall-politiki ta’ kontroll strett u ta’ sanzjonijiet.

3.10.   Flimkien mal-iżvilupp ta’ alternattivi u investiment, il-Kumitat japprova, bħala pjan meħtieġ, il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li jimxi lil hinn minn politika aggressiva ta’ bidla modali għal waħda kkonċentrata fuq il-komodalità (2), jiġifieri l-aħjar użu possibbli ta’ kull mezz ta’ trasport u l-aktar taħlita effettiva possibbli bejn il-mezzi kollha, bl-għan fit-tul li jiġi żgurat livell għoli mhux biss ta’ mobbiltà, iżda wkoll ta’ ħarsien ambjentali.

3.11.   Matul il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2007 (3), il-Kumitat appoġġja l-objettivi tal-White Paper riveduta bbażati fuq l-aqwa użu ta’ kull mezz ta’ trasport, waħidhom u flimkien, u l-aqwa użu tal-potenzjal ta’ kull wieħed minn dawn. Fl-istess ħin insista fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-livell ta’ kompetittività tat-trasport bil-ferrovija, marittimu u intern.

3.12.   Sabiex tiġi ffaċċjata ż-żjieda prevista, huwa importanti li jinkisbu l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati. Għalhekk kien meħtieġ li tinżamm seduta li tgħaqqad lill-federazzjonijiet internazzjonali mis-soċjetà ċivili sabiex il-fehmiet tagħhom ikunu jistgħu jiġu inklużi f’din l-opinjoni esploratorja.

3.13.   Waħda mill-konklużjonijiet li tista’ tinħareġ miż-żjieda prevista fil-flussi tal-merkanzija sal-2020 hija li hemm bżonn li jissaħħu l-infrastrutturi fiżiċi ta’ kull mezz ta’ trasport intern. Fir-rigward tat-trasport marittimu għal distanzi qosra, hemm bżonn li qabel kollox jiġu eliminati l-ostakoli doganali u amministrattivi.

3.14.   Jista’ jiġi konkluż ukoll li meta t-trasport bit-triq tal-merkanzija jiżdied kif imbassar, ser hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-effetti konkomittanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, l-aċċidenti tat-traffiku, il-konsum tal-enerġija u l-konsegwenzi għas-soċjetà bħan-nuqqas ta’ żoni ta’ parkeġġ u stazzjonijiet ta’ servizz li huma ssorveljati u attrezzati.

3.15.   Barra minn hekk hemm bżonn li jsir progress fir-rigward tal-vjaġġi vojta, l-armonizzazzjoni tal-kontrolli u l-multi, l-integrazzjoni ġenwina tas-suq uniku, it-titjib tal-effiċjenza partikolarment permezz ta’ – meta jkunu adatti – sistemi modulari, kontrolli doganali aktar mgħaġġla, proġetti loġistiċi applikati għat-trasport innifsu u studji dwar iż-żamma tal-veloċità u t-titjib tat-tajers.

3.16.   Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrikonoxxi li għal wara l-2020, hemm bżonn li titħejja politika aktar viżjonarja. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Parlament u lis-settur stess sabiex jaffrontaw din il-kwistjoni matul id-dibattitu dwar il-futur tat-trasport, imħabbar għall-2010 mis-Sur Tajani, Kummissarju għat-Trasport.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Minħabba l-possibilitajiet skarsi li tinstab soluzzjoni għaż-żjieda prevista tat-trasport internazzjonali bit-triq tal-merkanzija billi jintużaw mezzi ta’ trasport oħra, il-Kumitat iqis indispensabbli li fil-livelli internazzjonali u nazzjonali tiġi żviluppata politika li toħloq il-kondizzjonijiet neċessarji għat-twettiq ta’ din iż-żjieda.

4.2.   Hemm bżonn tittieħed azzjoni biex tiġi implimentata u mtejba (tneħħija tal-ostakoli) l-infrastruttura fiżika tat-triq u tat-trasport fil-livell Ewropew u nazzjonali. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll li tingħata attenzjoni adegwata għan-nuqqas, u għalhekk għall-bżonn, li jiżdied in-numru ta’ żoni ta’ parkeġġ u stazzjonijiet ta’ servizz issorveljati, attrezzati u siguri.

4.3.   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” u għall-opinjoni li l-Kumitat qiegħed iħejji dwar dan is-suġġett (4).

4.4.   Fir-rigward tax-xufiera, hemm bżonn li l-impjieg tagħhom jinżamm attraenti billi jiġu garantiti kondizzjonijiet u ambjent tax-xogħol favorevoli, bħal ħin ta’ xogħol regolat, ħinijiet armonizzati ta’ sewqan u ta’ mistrieħ, li mhumiex biss imniżżlin fil-leġiżlazzjoni iżda li jitwettqu fil-prattika. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ukoll li jiġu armonizzati l-kontrolli tal-istandards soċjali f’dan is-settur fil-livell tal-UE. F’każ li jkun hemm nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni, għandhom jiġu introdotti u applikati sanzjonijiet – f’forma ta’ deterrent finanzjarju. Jaħseb li d-djalogu soċjali bejn dawk li jħaddmu u l-ħaddiema fil-livell nazzjonali u Komunitarju huwa essenzjali għat-tħaddim tajjeb tas-settur.

4.5.   Fis-snin li għaddew, xi intrapriżi tat-trasport bit-triq tal-Ewropa tal-Punent iddiskutew dwar il-ħolqien ta’ sussidjarji f’pajjiżi bħall-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija. Dawn l-intrapriżi outsourced jassiguraw, flimkien mal-intrapriżi nazzjonali tat-trasport bit-triq stabbiliti għal żmien twil, il-maġġoranza tat-trasport bit-triq tal-merkanzija bejn l-Ewropa tal-Punent u dik tal-Lvant. Huwa previst li din it-tendenza tiġi kkonfermata.

4.6.   Minħabba ż-żjieda mistennija, il-Kumitat huwa favorevoli li jitneħħew l-ostakoli amministrattivi u fiżiċi li jxekklu l-użu tat-tekniki intermodali. Iqis neċessarju li kull mezz ta’ trasport ikun jista’ jintuża aħjar, mingħajr ma jitwarrab it-trattament ugwali ta’ dawn il-mezzi differenti.

4.7.   Il-Kumitat iqis importanti ħafna wkoll li apparti li jkun hemm adattament għaż-żjieda mistennija tat-trasport, issir ħidma fuq l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija. Kif indika l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar it-trasport, it-tnaqqis tad-dipendenza mill-karburanti fossili kif ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għandhom ikunu prijoritarji. Biex jitwettaq dan l-aħħar objettiv, hemm bżonn fuq kollox li jiġu adottati miżuri fis-sors, partikolarment billi jittejbu l-magni sabiex jarmu inqas CO2 (Euro V, VI u magni ta’ ġenerazzjoni ġdida li jiffrankaw l-enerġija).

4.8.   Fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, studju wera li jekk il-volum ser ikompli jiżdied u skont iż-żjieda ekonomika, sal-2020 ser ikun hemm żjieda fl-emissjonijiet minn 17 għal 55 %. L-emissjonijiet totali tas-CO2 għandhom jonqsu mill-2040 ’il quddiem. Il-Kumitat jinsab imħasseb b’dawn ir-riżultati. Hemm bżonn li jintuża l-għarfien disponibbli kollu u jsir dak kollu possibli biex jiġu implimentati miżuri – anke dawk li mhumiex evidenti mill-ewwel – li jippermettu t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 anke qabel l-2020. Waħda mill-miżuri tista’ tkun it-tneħħija rapida tal-mudelli antiki tat-trakkijiet u t-twarrib ta’ fondi miksuba permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.9.   Il-Kumitat iqis li huwa impossibbli li jkun hemm tnaqqis f’perijodu qasir tad-dipendenza mill-kaburanti fossili tas-settur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, iżda hemm bżonn li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jinstabu alternattivi għal perijodu fit-tul. Fl-opinjoni msemmija hawn fuq, il-Kumitat kien insista fuq il-bżonn li jitħejja programm ta’ riċerka u żvilupp, attrezzat bir-riżorsi finanzjarji neċessarji, li jwassal għall-użu tal-enerġiji alternattivi.

4.10.   Fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija (5), il-Kummissjoni stmat li s-settur tat-trasport jista’ jiffranka sa 26 % f’konsum ta’ enerġija sal-2020.

4.11.   Kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija? Il-Kumitat huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ organizzazzjoni aħjar tal-proċessi loġistiċi li jippermettu li jtejbu l-prestazzjoni tat-trasport bit-triq tal-merkanzija.

4.12.   Il-Kumitat jemmen ukoll li l-appoġġ tal-partijiet interessati u t-tqajjim tal-kuxjenza huma l-muftieħ għas-suċċess. Hawnhekk għandu jintuża approċċ ibbażat fuq kemm fuq il-kumpens kif ukoll fuq il-kastig. L-azzjoni għandha tinkludi kumpensi bħal, ngħidu aħna, inċentivi finanzjarji jew sussidji għall-investimenti fi trakkijiet jew karozzi tal-linja sostenibbli, divrenzjar fir-rati tat-taxxa tat-triq u/jew tipi oħra ta’ taxxi, u miżuri fiskali simili għal prodotti bbażati fuq tekniki ta’ propulsjoni alternattiva u għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja ekoloġiċi, u miżuri regolatorji stretti.

4.13.   Fl-aħħar, il-Kumitat jirrakkomanda lis-settur tat-trasport bit-triq li jwettaq analiżi komparattiva dwar l-iżvilupp teknoloġiku u ta’ ġestjoni, sabiex ikun jista’ jitgħallem mill-miżuri applikati fis-setturi l-oħra.

4.14.   Il-Kumitat jagħraf il-fatt li ma hemmx aktar ħin x’nitilfu. Għalhekk jemmen bis-sħiħ li, barra milli jqajmu sens ta’ urġenza, il-proposti mressqa f’din l-opinjoni, u kull suġġeriment rilevanti ieħor, iridu wkoll – u fuq kollox – jiġu implimentati tajjeb. Jeħtieġ għalhekk li tittieħed azzjoni minnufih biex it-tkabbir li huwa mistenni jiġi ttrattat b’mod sostenibbli.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-appendiċi tal-opinjonijiet ma jiġux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu dawn jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit elettroniku tal-KESE – www.eesc.europa.eu.

(2)  F’paġna 4 tar-Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea (COM (2006) 314 finali), il-Kummissjoni tiddefinixxi l-komodalità bħala “l-użu effiċjenti ta’ modi tat-trasport differenti waħidhom u f'kombinazzjoni, se tirriżulta f’utilizzazzjoni ottima u sostenibbli tar-riżorsi”.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna – Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea” (COM(2006) 314 finali), ĠU C 161, 13.7.2007.

(4)  COM(2008) 435 finali tat-8.7.2008 u TEN/357 “Internalisation of external costs” (L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni) (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal”, COM(2006) 545 (mhux disponibbli bil-Malti).


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant”

(Opinjoni esploratorja)

(2009/C 277/06)

Rapporteur: is-Sur VOLEŠ

Nhar it-12 ta’ Jannar 2009, is-Sinjura Milena Vicenová, l-Ambaxxatriċi u r-Rappreżentanta Permanenti tar-Repubblika Ċeka fi ħdan l-Unjoni Ewropea, talbet bil-miktub lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar:

il-Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Voleš.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’160 vot favur, 15-il vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-proposta għat-twaqqif ta’ Sħubija tal-Lvant bħala forma mtejba ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Lvant fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Din is-sħubija għandha tkun ibbażata fuq valuri demokratiċi komuni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li jinkludu d-djalogu soċjali u ċivili u li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-soċjetajiet demokratiċi.

1.2.   Il-programm ta’ kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għandu jagħti għajnuna konkreta lill-pajjiżi msieħba, partikolarment illum il-ġurnata, meta l-ekonomija tagħhom qed tintlaqat ħażin mill-kriżi ekonomika dinjija, b’konsegwenzi soċjali koroh. Is-Sħubija tal-Lvant għandha wkoll issaħħaħ l-istituzzjonijiet u twassal għal soluzzjoni paċifika tal-konflitti attwali.

1.3.   Is-Sħubija tal-Lvant ma tindirizzax il-kwistjoni tas-sħubija futura fl-UE li wħud mill-pajjiżi tant jixtiequ. Wara li jġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità mal-istandards settorjali Ewropej rilevanti, il-pajjiżi msieħba għandhom jiksbu status privileġġat li bis-saħħa tiegħu jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tfassil tal-acquis communautaire f’ċerti setturi, bħall-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda mingħajr ma jkollhom dritt li jivvotaw.

1.4.   Jeħtieġ li l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant tkun ibbażata fuq it-tagħlim miksub matul il-ħames snin tal-Politika Ewropea tal-Viċinat:

il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba għat-tfassil ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali għandha tittejjeb;

is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ azzjoni u fis-segwitu tal-implimentazzjoni tagħhom;

fil-każ tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet settorjali bbażati fuq ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni, id-dati tal-laqgħat tas-sottokumitati konġunti għandhom jiġu rrispettati u l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tagħhom għandhha tkun is-suġġett ta’ segwitu li jinvolvi s-soċjetà ċivili;

il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-programmi tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji Komunitarji għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar sabiex is-sħubijiet jiġu armonizzati skont il-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti;

is-soċjetà ċivili għandha tiġi involuta fil-kwistjonijiet li ser jiġu diskussi fil-qafas tal-pjattaformi tematiċi; jeħtieġ li qabel kollox jiġu indirizzati t-temi bħall-gvernanza tajba, l-Istat tad-Dritt, il-prinċipji tal-ekonomija soċjali tas-suq u l-qafas regolatorju tagħha, id-djalogu soċjali u ċivili, il-migrazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, is-sigurtà tal-provista tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-faqar, l-ostakli għall-iskambji kummerċjali, il-kooperazzjoni transkonfinali, il-ħarsien tal-ambjent, il-kuntatti interpersonali, eċċ.

1.5.   Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fis-Sħubija tal-Lvant għandha tiddependi mir-rieda u d-dispożizzjoni tagħhom li jaqsmu valuri komuni mal-UE, li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u li jiżviluppaw u jappoġġjaw id-djalogu soċjali u ċivili. Dan japplika b’mod partikolari għall-Belarus.

1.6.   Is-Sħubija tal-Lvant m’għandhiex toħloq konflitti ġodda fl-Ewropa tal-Lvant, u bis-saħħa tagħha l-pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-oqsma ta’ interess komuni għall-UE u s-Sħubija tal-Lvant, li jinkludu b’mod partikolari s-sigurtà fil-qasam tal-enerġija, il-migrazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, eċċ. Ħafna mill-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant huma s-suġġett ta’ sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja. Il-KESE jipproponi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-Russja, it-Turkija u ta’ pajjiżi oħra jiġu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-kwistjonijiet ta’ interess komuni li jagħmlu parti mill-forum tas-soċjetà ċivili u l-pjattaformi tematiċi.

1.7.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant hemm bżonn li jiġu promossi l-mobbiltà u l-kuntatti interpersonali. Il-KESE jirrakkomanda li r-regolamenti dwar il-viża jsiru aktar flessibbli fir-rigward ta’ ċerti gruppi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi msieħba, bil-għan li r-regolamenti dwar il-viża li jirrispettaw l-interessi taż-żewġ partijiet fil-qasam tas-sigurtà jitneħħew gradwalment.

1.8.   Il-KESE huwa lest li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant billi jappoġġja s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba u joffri l-esperjenza li kiseb fil-ħolqien ta’ netwerks tas-soċjetà ċivili organizzata f’għadd sostanzjali ta’ pajjiżi u reġjuni, inklużi l-pajjiżi ġirien tal-Lvant. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jagħtuh rwol ċentrali fit-twaqqif ta’ forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. Dan il-forum għandu jsir netwerk flessibbli u miftuħ tas-soċjetà ċivili tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u għandu jiltaqa’ darba fis-sena u jmexxi l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ gruppi ta’ ħidma u ta’ timijiet li jindirizzaw suġġetti konkreti bil-għan li jressqu proposti dwar il-programmi u l-proġetti għat-twettiq tal-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant. Finanzjament xieraq għandu jħeġġeġ is-soċjetà ċivili tipparteċipa bis-sħiħ u b’mod effikaċi f’dan il-forum.

1.9.   Fil-livell bilaterali, il-KESE ser jappoġġja l-ħolqien ta’ strutturi fil-pajjiżi msieħba li jippermetttu lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fil-proċess konsultattiv matul l-implimentazzjoni tal-programmi bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, kif ukoll matul it-tfassil ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni, it-tħaddim tagħhom u s-segwitu tar-riżultati miksuba.

1.10.   Sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ taqdi l-kompiti tagħha bis-sħiħ, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fil-Programm Komprensiv għat-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet u fil-programmi ta’ sħubija ffinanzjati mil-linji baġitarji adegwati tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI).

1.11.   Il-KESE huwa lest li jipparteċipa, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi msieħba, f’kull waħda mill-erba’ pjattaformi tematiċi peress li dawn jindirizzaw kwistjonijiet li l-Kumitat huwa involut fihom bis-sħiħ u li dwarhom ħejja bosta opinjonijiet u ressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet.

2.   Introduzzjoni u kontenut tal-proposta li tinħoloq Sħubija tal-Lvant

2.1.   Il-Kumitat jilqa’ t-talba tal-Presidenza Ċeka biex ifassal opinjoni esploratorja li tanalizza l-potenzjal u l-modi kif is-soċjetà ċivili tista’ tipparteċipa fis-Sħubija tal-Lvant u li tkun ibbażata fuq il-proposta mressqa fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Diċembru 2008 (1).

2.2.   Il-Politika Ewropea tal-Viċinat, li daħlet fis-seħħ wara t-tkabbir tal-UE fl-2004, wasslet għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiżi ġirien tal-Lvant (2), u għal sensiela ta’ suċċessi fit-tisħiħ tar-rabtiet ta’ bejniethom. Madankollu, ma tatx il-frott li kien mistenni, l-iktar mill-pajjiżi li għandhom ambizzjonijiet akbar fir-rigward tal-UE.

2.3.   Il-Polonja u l-Iżvezja ħadu l-inizjattiva u waqt il-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni, ressqu proposta għall-ħolqien ta’ Sħubija tal-Lvant li tkun ta’ kwalità aqwa mill-PEV. Il-Presidenza Ċeka appoġġjat il-proposta u għamlitha waħda mill-prijoritajiet tagħha.

2.4.   Fit-3 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant. Wara li tiġi adottata mill-Kunsill matul is-summit ta’ Marzu (3), is-Sħubija tal-Lvant ser titnieda fis-7 ta’ Mejju 2009 fi Praga, matul summit bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba tas-Sħubija tal-Lvant.

2.5.   L-għan tas-Sħubija tal-Lvant huwa li tappoġġja iktar lill-pajjiżi msieħba fl-isforzi tagħhom biex jersqu iktar qrib tal-Unjoni u li tipprovdilhom l-għajnuna kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-riformi b’rabta mad-demokrazija u l-ekonomija tas-suq, għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-Dritt, il-gvernanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett u l-ħarsien tal-minoritajiet u l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli.

2.6.   Is-Sħubija tal-Lvant ser tiġi implimentata l-aktar fil-livell bilaterali bil-għan li jintlaħqu ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (4), sakemm l-imsieħba jkunu għamlu progress fir-rigward tad-demokrazija, ir-rispett tal-Istat tad-Dritt u d-drittijiet tal-bniedem (5). Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ser jinkludu l-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles komprensiva.

2.7.   Il-livell multilaterali jipprevedi l-ħolqien ta’ erba’ pjattaformi dwar it-temi li ġejjin: 1) id-demokrazija, il-gvernanza tajba u l-istabbiltà; 2) l-integrazzjoni u l-konverġenza ekonomika mal-politiki tal-UE; 3) is-sigurtà fil-qasam tal-enerġija; u 4) il-kuntatti interpersonali. Il-qafas multilaterali ser isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-pajjiżi msieħba bil-għan li fil-futur tinħoloq komunità ekonomika tal-viċinat. Riżultati konkreti fil-qasam tal-kooperazzjoni multilaterali jistgħu jinkisbu permezz ta’ inizjattivi emblematiċi  (6). Dawn l-inizjattivi jistgħu jiġu ffinanzjati mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, mis-settur privat u minn donaturi differenti.

2.8.   Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ser jiltaqgħu darba kull sentejn, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin ser jiltaqgħu kull sena, filwaqt li l-laqgħat tal-uffiċjali għolja ser isiru skont il-pjattaforma u dawk tal-esperti fi ħdan gruppi ta’ ħidma kull sitt xhur.

2.9.   Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill qed jorbtu fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għall-ksib tal-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant u jipproponu li jitwaqqaf forum tas-soċjetà ċivili inkarigat mid-djalogu mal-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-KESE jipparteċipaw fil-ħidma mwettqa fil-qafas tal-pjattaformi tematiċi ddedikati għad-demokrazija, l-gvernanza tajba, l-istabbiltà u l-kuntatti interpersonali.

2.10.   Il-finanzjament tas-Sħubija tal-Lvant ser jiżdied minn EUR 450 miljun fil-baġit tal-2008 għal EUR 600 miljun fl-2013. Dan jitlob fondi addizzjonali li għandhom jiġu provduti mir-riżerva tal-baġit tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija.

3.   Kif is-Sħubija tal-Lvant tista’ tkun għodda għat-titjib tal-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

3.1.   Il-KESE jqis is-Sħubija tal-Lvant bħala l-qafas strateġiku l-ġdid tad-dimensjoni tal-Lvant tal-PEV u bħala turija ta’ solidarjetà mal-popolazzjoni tal-Ewropa tal-Lvant. Din is-Sħubija għandha tkun ibbażata fuq valuri komuni, l-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-gvernanza tajba u l-ħolqien ta’ soċjetà demokratika li tinkludi s-soċjetà ċivili. Ir-rieda politika tal-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba li jidħlu fi djalogu mas-soċjetà ċivili u jappoġġjaw id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali għandha tkun waħda mill-indikaturi għat-tnedija ta’ strumenti u programmi ta’ kooperazzjoni fl-qafas tas-Sħubija tal-Lvant.

3.2.   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija li qed tmur għall-agħar qed tipperikola l-iżvilupp ekonomiku u l-istabbiltà tal-ġirien tal-Lvant tal-UE. Il-KESE jemmen li l-programm ta’ kooperazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant u l-mezzi finanzjarji allokati fil-kuntest tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-riformi strutturali fil-perijodu fit-tul u fl-istess ħin jgħinu lill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba jistabbilizzaw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u jeqirdu r-riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà.

3.3.   L-għan tas-Sħubija tal-Lvant huwa li tgħin lill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant jimmodernizzaw ruħhom b’konformità mal-istandards tal-UE mingħajr ma toffri prospettiva diretta ta’ sħubija fl-UE. Dan m’għandux idgħajjef l-ambizzjonijiet tal-pajjiżi fir-rigward tar-relazzjonijiet futuri tagħhom mal-UE. Sabiex il-pajjiżi msieħba jkunu aktar motivati biex jimplimentaw ir-riformi u l-istandards tal-UE b’mod aktar attiv, il-KESE jirrakkomanda li jingħataw il-possibbiltà li jiksbu status privileġġat ladarba jkunu implimentaw l-acquis communautaire fis-setturi speċifiċi u mifthiema. B’hekk, bħal fil-każ tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (7), ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq uniku, jipparteċipaw fi programmi tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji Komunitarji u jieħdu sehem, fil-każ tal-esperti, fit-tfassil ta’ leġiżlazzjonijiet Komunitarji ġodda mingħajr ma jkollhom id-dritt li jivvotaw.

3.4.   Is-Sħubija tal-Lvant għandha titqies bħala strument li bis-saħħa tiegħu l-UE tkun tista’ tgħin lill-Azerbajġan, u fil-perijodu aktar fit-tul lill-Belarus, biex jissodisfaw il-kundizzjonijiet għas-sħubija fid-WTO. Il-fatt li l-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant huma diġà membri tad-WTO joħloq qafas adegwat għat-tnedija ta’ djalogu multilaterali li jiffoka mhux biss fuq il-liberalizzazzjoni tal-iskambji bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba iżda wkoll fuq il-liberalizzazzjoni reġjonali tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Sa mit-tnedija ta’ din is-Sħubija, il-prijorità tal-UE għandha tkun it-twaqqif ta’ komunità ekonomika tal-viċinat, imsejsa fuq il-mudell taż-Żona Ekonomika Ewropea (8).

Il-KESE jirrakkomanda li l-implimentazzjoni tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant tissejjes fuq l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-PEV mill-2004 sal-2008 (9). Din l-esperjenza tista’ titqassar kif ġej:

3.5.1.   Is-soċjetà ċivili għandha tiġi kkonsultata matul in-negozjati futuri dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, u b’mod partikolari dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien, fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet, ta’ kumitati konsultattivi konġunti magħmula minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi msieħba u tal-Istati Membri tal-UE.

3.5.2.   Jeħtieġ li l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba jippjanaw u jimplimentaw il-prijoritajiet tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati l-oħra (l-atturi politiċi, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali u reġjonali) sabiex l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet tiġi appoġġjata kemm jista’ jkun. Il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet biex is-soċjetà ċivili tipparteċipa b’mod aktar effettiv fil-proċess konsultattiv, u li jiggarantixxu li d-dokumenti Ewropej jiġu tradotti fil-lingwi nazzjonali.

3.5.3.   L-għan tas-sottokumitati konġunti, responsabbli għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet settorjali, imwaqqfa permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija u kooperazzjoni, huwa li jxerrdu l-informazzjoni u jirċievu feedback fi ħdan il-PEV. Dan ir-rwol mhux qed jinqeda bis-sħiħ minħabba l-fatt li dawn is-sottokumitati rari jiltaqgħu, jew ma jiltaqgħux b’mod regolari. Jeħtieġ li l-laqgħat ta’ dawn is-sottokumitati u l-monitoraġġ ta’ dawn il-laqgħat isiru vinkolanti. Ir-rappreżentanti tal-pjattaformi istituzzjonali li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant (kooperazzjoni parlamentari, EuroNest, forum tas-soċjetà ċivil, assemblea lokali u reġjonali) għandhom jiġu mistiedna jsegwu l-ħidma tas-sottokumitati u l-attivitajiet tal-korpi nazzjonali b’rabta mal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ azzjoni. L-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba għandha tkun ibbażata fuq kriterji ta’ referenza ċari, stabbiliti b’mod konġunt, trasparenti u li jistgħu jitkejlu, u s-soċjetà ċivili għandha tingħata l-opportunità li tipparteċipa fid-definizzjoni ta’ dawn il-kriterji u ssegwi l-applikazzjoni tagħhom.

3.5.4.   L-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant għandha tinkludi definizzjoni aktar espliċita tal-istrumenti settorjali. Il-kriterji għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fi programm settorjali jew aġenzija speċifika għandhom jiġu ddefiniti b’mod preċiż sabiex il-pajjiżi kkonċernati jkunu jafu liema kundizzjonijiet għandhom jissodisfaw biex jipparteċipaw fil-programmi u l-aġenziji tal-Komunità.

3.5.5.   Il-pjattaformi tematiċi għandhom jippermettu l-iskambju regolari tal-prattiki tajba bejn l-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi msieħba u għandhom jidentifikaw proġetti multilaterali konġunti fl-oqsma rilevanti. In-negozjati fi ħdan il-pjattaformi jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet bħal pereżempju:

il-prinċipji tal-Istat tad-Dritt,

il-prinċipji tal-ekonomija soċjali tas-suq u l-qafas regolatorju tagħha,

il-gvernanza tajba,

il-ġlieda kontra l-korruzzjon u l-ekonomija sewda,

il-problemi soċjali, inkluża l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

il-migrazzjoni u r-relazzjonijiet interpersonali,

il-promozzjoni tad-djalogu soċjali u ċivili,

it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ,

il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprejtà intellettwali,

il-ġlieda kontra l-faqar,

is-sigurtà u l-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija,

ir-rispett tal-istandards fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel,

il-ħarsien kontra l-importazzjoni ta’ prodotti perikolużi minn pajjiżi terzi,

il-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa pubblika, il-pjanti u l-annimali,

il-kooperazzjoni transkonfinali eċċ.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rrappeżentati fi ħdan il-forum tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti fl-għażla ta’ dawn it-temi u l-analiżi tagħhom. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jibbenefikaw minn finanzjament adegwat biex ikunu jistgħu jaqdu dan ir-rwol.

3.6.   Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-programm ta’ kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għandha tiddependi mill-adozzjoni u r-rikonoxximent sħiħ tal-valuri komuni bħad-drittjiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-gvernanza tajba u djalogu mas-soċjetà ċivili independenti u l-imsieħba soċjali. Il-KESE jfakkar li dan japplika b’mod partikolari għall-Belarus u l-parteċipazzjoni tagħha fis-Sħubija tal-Lvant.

3.7.   Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li s-Sħubija tal-Lvant ma toħloqx diverġenzi ġodda fl-Ewropa tal-Lvant. Bis-saħħa tagħha r-rappreżentanti tal-pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-oqsma ta’ interess komuni. Ħafna mill-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant huma koperti minn sħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja. B’mod partikolari, nistgħu nsemmu d-djalogu dwar is-sigurtà fil-qasam tal-enerġija, il-problemi tal-migrazzjoni, l-ambjent u kwistjonijiet reġjonali jew dinjija l-oħra, li ma jistax jagħti riżultati konkreti jekk ir-Russja, it-Turkija u r-rappreżentati tal-pajjiżi tal-Ażja ċentrali ma jkunux involuti. Il-KESE jissuġġerixxi li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ta’ dawn il-pajjiżi terzi jiġu involuti fin-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet fi ħdan il-forum tas-soċjetà ċivili, u saħansitra fi pjattaformi oħra.

3.8.   Is-Sħubija tal-Lvant tikkomplementa s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Dawn iż-żewġ inizjattivi għandhom objettivi differenti u ma jużawx l-istess strumenti, iżda għandhom ċerti oqsma ta’ azzjoni essenzjali komuni. Għaldaqstant huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-approċċi adottati fil-qafas ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni inutli ta’ ċerti attivitajiet.

3.9.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant hemm bżonn li jiġu promossi l-mobbiltà u l-kuntatti interpersonali. Il-mobbiltà hija element importanti ħafna tar-relazzjonijiet bilaterali u dawk multilaterali. Sabiex niksbu l-objettiv aħħari tal-eżenzjoni mill-bżonn ta’ viża għal dawn il-pajjiżi, jeħtieġ li naħdmu biex innaqqsu gradwalment r-rekwiżiti ta’ viża għall-istudenti, in-negozjanti, il-persuni li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri tal-UE u l-familjari tagħhom, u biex inaqqsu l-miżati għall-viża. Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaħqu konklużjonijiet għall-ftehimiet meħtieġa mal-pajjiżi msieħba.

3.10.   Il-KESE jipproponi li jsir djalogu mal-pajjiżi msieħba, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata dwar kwistjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol, inkluż l-iżvilupp u l-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll dwar l-adozzjoni ta’ miżuri konġunti għall-ġlieda kontra l-impjieg mhux iddikjarat u l-ksur tal-konvenzjonijiet importanti tal-ILO.

4.   Il-karatteristiċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant

4.1.   Il-kuntest storiku, politiku u soċjoekonomiku tas-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ivarja, iżda s-soċjetajiet ċivili tagħhom huma simili minħabba l-istorja komuni tagħhom fi żmien l-Unjoni Sovjetika meta l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu sempliċement estensjoni tal-partit komunista li kien jiggverna.

4.2.   Il-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika tat lil dawn il-pajjiżi l-possibbiltà li jsiru indipendenti iżda fl-istess ħin wasslet għall-kollass tal-ekonomija tagħhom. Ir-riformi ekonomiċi li saru bil-għan li l-ekonomiji ċentrali jsiru ekonomiji tas-suq ġew implimentati bil-mod u b’nuqqas ta’ uniformità. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha minħabba n-nuqqas ta’ stabbiltà politika u l-ġlieda għall-poter. F’tal-anqas erba’ pajjiżi (il-Moldova, l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja) is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba konflitti armati mal-pajjiżi ġirien jew mar-reġjuni seċessjonisti.

4.3.   Minkejja t-tkabbir ekonomiku fl-aħħar tas-snin disgħin u wara s-sena 2000, is-sitwazzjoni f’dawn il-pajjiżi għadha waħda instabbli ħafna u hija aggravata mill-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika attwali. Jeżistu differenzi soċjali kbar; parti kbira tal-popolazzjoni taqla’ l-għajxien tagħha mill-ekonomija sewda jew emigrat biex issib xogħol barra mill-pajjiż. L-ostakli ewlenin għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp jippersistu: il-burokrazija, ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-korruzzjoni li hija assoċjata magħhom.

4.4.   Tul dawn l-aħħar snin l-ambitu ta’ azzjoni tas-soċjetà ċivili nfetaħ gradwalment fil-pajjiżi msieħba kollha; wieħed jista’ jinnota titjib żgħir fil-Belarus, b’riżultat ta’ pressjoni min-naħa tal-UE u tal-komunità internazzjonali. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-istrumenti tagħha kif ukoll l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) qegħdin jgħinu sabiex gradwalment jitnieda djalogu soċjali u jiġi istituzzjonalizzat fil-pajjiżi msieħba. Għad hemm ħafna xi jsir biex jiġu rrispettati l-istandards Komunitarji dwar l-imparzjalità tas-sistema legali, it-tqassim tal-poter u r-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet ċentrali u dawk lokali u reġjonali, l-interpretazzjoni korretta u r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet ċivili, u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir. Il-gvernijiet ma jaċċettawx faċilment il-pluraliżmu soċjali, l-indipendenza tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-dritt tagħhom għal djalogu soċjali u ċivili mmirat lejn tisħiħ tas-soċjetà b’mod ġenerali.

4.5.   Il-KESE ilu ħames snin janalizza l-istat tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-liġijiet u l-proċeduri dwar ir-reġistrazzjoni u t-taxxa, il-liberta’ tal-espressjoni u l-funzjonament tal-konsultazzjonijiet tripartiti; u ħejja għadd ta’ opinjonijiet b’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett (10).

4.6.   Il-parteċipanti tal-konferenza dwar id-djalogu soċjali u ċivili fis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u s-Sħubija tal-Lvant, organizzata b’mod konġunt mill-KESE u l-ILO fit-2 u t-3 ta’ Marzu 2009, ikkonfermaw li tnieda djalogu uffiċjali tripartit fil-pajjiżi msieħba kollha iżda dan għadu mhux qed jiġi implimentat b’mod effettiv. Barra minn hekk, hemm diffikutaljiet fit-tnedija ta’ djalogu soċjali fil-livell reġjonali u settorjali. Il-parteċipanti kollha saħqu li jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tiġi involuta b’mod effettiv f’dawn iż-żewġ inizjattivi reġjonali.

4.7.   Il-qagħda tad-diversi gruppi tas-soċjetà ċivili

4.7.1.   L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem

Fil-pajjiżi msieħba kollha hemm atturi tradizzjonali li jirrappreżentaw lill-intraprendituri u jipprovdulhom is-servizzi meħtieġa, bħall-kmamar tal-kummerċ jew l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi. Ir-riformi li qed isiru bħalissa u l-fatt li min iħaddem għandu jimplimenta sħubijiet fil-qafas tad-djalogu soċjali wasslu għall-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li jiġbru fihom l-intrapriżi l-kbar u t-trejdjunjins. Dawn l-organizzazzjonijiet għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna diffikultajiet, u numru sostanzjali minnhom mhumiex rappreżentattivi biżżejjed, jikkompetu ma’ xulxin u mhumiex magħquda. F’ċerti pajjiżi, u b’mod partikolari fejn is-settur pubbliku għadu jiddomina l-ekonomija, (il-Belarus, il-Moldova u l-Azerbajġan) dawn l-organizzazzjonijiet għadhom marbuta mill-qrib mal-gvern u għaldaqstant ma jistgħux jikkritikaw jew jopponu l-politika governattiva b’mod indipendenti. Dan jillimita ħafna l-interess u d-disponibbiltà tagħhom biex jipparteċipaw fid-djalogu soċjali.

4.7.2.   It-trejdjunjins

4.7.2.1.   F’ħafna mill-pajjiżi msieħba, it-trejdjunjins tradizzjonali tat-tip Sovjetiku rriformaw ruħhom u adottaw il-prinċipji tad-demokrazija, l-indipendenza u l-libertà li qed jiġġieldu għalihom it-trejdunjins Ewropew u internazzjonali. Twaqqfu trejdjunjins ġodda fil-Belraus u l-Ukraina. Madankollu, l-indipendenza tal-organizzazzjonijeit tal-ħaddiema għad baqgħalha biex tiġi rrispettata, kif jikkonferma l-indħil mill-gvern f’ċerti pajjiżi – is-suġġett ta’ għadd ta’ ilmenti mressqa quddiem l-ILO dwar il-ksur tad-drittijiet tat-trejdjunjins.

4.7.2.2.   Għalkemm il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO ġew irratifikati mill-pajjiżi msieħba kollha, il-konvenzjonijiet dwar id-dritt għal negozjar kollettiv u l-libertà ta’ assoċjazzjoni nkisru, kif juru d-diffikultajiet fir-reġistrazzjoni u r-restrizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ strajk. Id-drittijiet fundamentali fl-intrapriżi qed jiġu abbużati u ċerti uffiċjali tat-trejdjunjins qed jitkeċċew.

4.7.2.3.   Madankollu, sar progress ġenerali u t-trejdjunjins bdew jaqdu rwol pożittiv fit-tisħiħ tal-proċess demokratiku fil-pajjiżi msieħba.

4.7.3.   L-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

4.7.3.1.   L-għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żdied b’mod konsiderevoli fil-pajjiżi msieħba kollha. L-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jindirizzaw b’mod partikolari l-integrazzjoni Ewropea, kwistjonijiet soċjali bħall-migrazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ekonomija soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur u r-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-bdiewa u tan-nies tas-sengħa. Dawn l-organizzazzjonijiet jagħmlu parti min-netwerks Ewropej u internazzjonali u qdew rwol attiv fil-ħarsien tal-valuri demokratiċi matul ir-revoluzzjonijiet fl-Ukraina u l-Ġeorġja.

4.7.3.2.   Fil-pajjiżi msieħba kollha, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jiffaċċjaw sensiela ta’ problemi minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja tal-gvernijiet fis-soċjetà ċivili, b’mod partikolari meta dawn ma jkunux jistgħu jikkontrollaw l-NGOs u għalhekk jippruvaw jillimitaw l-indipendenza tagħhom permezz ta’ miżuri leġiżlattivi. Minħabba nuqqas ta’ finanzjament, l-NGOs indipendenti jkollhom ifittxu għajnuna barra minn pajjiżhom u talli jagħmlu dan jiġu kkritikati li jkunu qed jippromovu l-interessi barranin minflok dawk nazzjonali. Ħafna pajjiżi msieħba għandhom NGOs li huma qrib il-gvern u li huma involuti f’diversi fora ta’ djalogu ċivili.

4.7.3.3.   Madankollu, is-sitwazzjoni u r-rikonoxximent tal-bżonn li jkun hemm djalogu ċivili qed jitjiebu gradwalment, b’mod partikolari bis-saħħa tal-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi u l-ħolqien ta’ diversi netwerks tas-soċjetà ċivili. L-Ukraina għamlet progress konsiderevoli fir-rigward tad-djalogu bejn il-gvern u l-NGOs, li jappoġġjaw b’mod attiv l-integrazzjoni Ewropea.

5.   Ir-rwol tal-KESE fis-Sħubija tal-Lvant

5.1.   Il-KESE jixtieq ikompli jaqdi r-rwol tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni, il-kapaċitajiet u l-iżvilupp ta’ netwerks reġjonali u nazzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi msieħba sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv kemm jista’ jkun fil-programmi u l-istrumenti bilaterali u multilaterali u b’hekk jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant.

5.2.   F’dawn l-aħħar snin, il-KESE kiseb esperjenza siewja dwar il-ħolqien ta’ netwerks tas-soċjetà ċivili fil-livelli reġjonali u nazzjonali, pereżempju fil-livell tal-Euromed, il-pajjiżi tal-AKP, il-Karibew, l-Amerika Ċentrali, fi ħdan il-Mercosur, iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa wkoll l-imsieħeb Ewropew fil-kumitati konsultattivi konġunti li nħolqu permezz tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mat-Turkija, il-Kroazja u fil-futur ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. L-attivitajiet tal-KESE għenu biex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati.

5.3.   Il-KESE ddeċieda wkoll li jaqdi rwol simili fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar. Fl-2004, il-KESE waqqaf grupp dwar il-ġirien tal-Lvant, wettaq analiżi komprensiva dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba u stabbilixxa kuntatti diretti magħhom. Il-Kumitat organizza bosta avvenimenti, bħall-konferenza dwar id-djalogu soċjali u ċivili fi ħdan is-Sinerġija għall-Baħar l-Iswed u s-Sħubija tal-Lvant.

5.4.   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jagħtuh rwol ċentrali biex jiggarantixxi l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fl-istruttura istituzzjonali tas-Sħubija tal-Lvant. Fid-dawl tal-ħolqien tal-forum tas-soċjetà ċivili ta’ din is-Sħubija, wieħed jista’ japprofitta mill-esperjenza u l-għarfien tal-KESE f’dan il-qasam u juża l-kuntatti tiegħu mas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u n-netwerks nazzjonali u reġjonali tagħhom fil-pajjiżi msieħba u fl-UE. Il-forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant għandu jitwaqqaf immedjatament wara l-preżentazzjoni uffiċjali ta’ din l-inizjattia, matul it-tieni nofs tal-2009.

5.5.   Il-forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant għandu jkun ta’ natura operattiva u flessibbli; dan il-forum għandu jiġbor fih organizzazzjonijiet rappreżentattivi, demokratiċi u indipendenti tas-soċjetà ċivili tal-UE u tal-pajjiżi msieħba li jirrappreżentaw lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lil NGOs oħra li huma ta’ valur miżjud għall-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva. Il-forum tas-soċjetà ċivili jista’ jiġi organizzat tal-anqas darba fis-sena u jalterna bejn l-UE u wieħed mill-pajjiżi msieħba. Dan il-forum jista’ joħloq gruppi ta’ ħidma u timijiet li jindirizzaw kwistjonijiet problematiċi u kumplessi (ara punt 3.5.5) fir-raba’ livell operattiv tas-Sħubija tal-Lvant billi jiġu stabbiliti panels speċifiċi u jressqu proposti u rakkomandazzjonijiet lir-rappreżentanti tal-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba. L-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni jkunu taħt ir-responsabbiltà tas-segretarjat fi ħdan il-KESE u jiġu ffinanzjati mil-linji baġitarji rilevanti tal-ENPI.

5.6.   Il-KESE ser ikompli jappoġġja l-ħolqien ta’ strutturi li jiġbru fihom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, fil-pajjiżi msieħba sabiex jiġi żgurat l-involviment attiv tagħhom fil-proċess konsultattiv matul it-tfassil ta’ prijoritajiet komuni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-ENPI, id-definizzjoni tal-miżuri indispensabbli fil-livell nazzjonali, il-monitoraġġ, il-feedback u l-evalwazzjoni segwenti tal-progress miksub. Il-forum tas-soċjetà ċivili jista’ jkun il-pjattaforma adegwata għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u fl-iżvilupp tad-djalogu soċjali.

5.7.   Ladarba l-kumitati konsultattivi konġunti tas-soċjetà ċivili tal-UE u tal-pajjiżi kkonċernati jkunu ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, jkunu jistgħu jiġu involuti wkoll f’dan il-proċess.

5.8.   Sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti diffiċli msemmija, jeħtieġ li jirċievu l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-twaqqif tal-Programm Komprensiv għat-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet peress li dawn jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza fil-qasam tal-programmi ta’ sħubija tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri tal-UE.

5.9.   Il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-KESE jipparteċipa fil-pjattaformi tematiċi dwar id-demokrazija, il-gvernanza tajba u l-istabbiltà u l-kuntatti interpersonali. Il-KESE huwa konvint li għandu l-kapaċitajiet u l-esperjenza meħtieġa biex jiġi mistieden jipparteċipa wkoll fiż-żewġ pjattaformi l-oħra dwar l-integrazzjoni ekonomika u s-sigurtà fil-qasam tal-enerġija. Il-KESE jirrakkomanda li s-soċjetà ċivili tal-pajjiżi msieħba u l-forum tas-soċjetà ċivili jiġu involuti wkoll f’dawn il-pjattaformi.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Is-Sħubija tal-Lvant – COM(2008) 823 finali, 3.12.2008.

(2)  L-imsieħba tal-Lvant (jew “l-imsieħba”) li huma s-suġġett ta’ din l-opinjoni huma l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar li huma kkonċernati mill-Politika Ewropea tal-Viċinat: l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina.

(3)  Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell (19 u 20 ta’ Marzu 2009) 7880/09.

(4)  Diġà għaddejjin negozjati dwar ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-Ukraina, li jista’ jservi bħala mudell għall-pajjiżi msieħba l-oħra.

(5)  Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-Belarus fejn il-progress f’dawn l-oqsma sal-lum għad mhuwiex biżżejjed.

(6)  Dawn l-inizjattivi jistgħu jinkludu, pereżempju, programm għall-ġestjoni tal-fruntieri integrat, strument għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, appoġġ għas-swieq reġjonali tal-elettriku, għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-iżvilupp tal-passaġġ tal-enerġija tax-Xlokk u kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni ta’ diżastri naturali.

(7)  In-Norveġja, il-Lichtenstein, l-Iżlanda u l-Iżvizzera.

(8)  COM(2008) 823 finali, p. 10.

(9)  Ara l-konklużjonijiet tal-proġġett immexxi miċ-Ċentru ta’ Riċerka tal-Assoċjazzjoni Slovakka dwar il-Politika Barranija bl-appoġġ tal-fondazzjoni Friedrich-Ebert-Stiftung, ippubblikati f’The reform of the European Neighbourhood Politic Tools, Institutions and a Regional Dimension (Ir-riforma tal-Politika Ewropea tal-Viċinat: Għodod, Istituzzjonijiet u dimensjoni reġjonali) (Duleba, Najšlová, Benč u Bilčík., 2009).

(10)  Opinjonijiet tal-KESE: “Ewropa Usa’ − il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar”, ĠU C 80, 30.3.2004, p. 148-155 (mhux disponibbli bil-Malti); “is-Soċjetà Ċivili tal-Belarus”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 123-127 (mhux disponibbli bil-Malti); “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: X’inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 89-95; “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina: rwol dinamiku ġdid għas-soċjetà ċivili”, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 157-163; “It-twaqqif ta’ netwerks ta’organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 144-151; opinjoni REX/241 dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja”, rapporteur is-Sur Adamczyk, Mejju 2009, għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja”

(2009/C 277/07)

Rapporteur: is-Sur ADAMCZYK

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ April 2009. Rapporteur: is-Sur Andrzej Adamczyk.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammetit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-Kawkażu tan-Nofsinhar huwa varjat ħafna f’termini ta’ etniċità, lingwa, storja, reliġjon u politika. Dan, flimkien mal-kunflitti territorjali li hemm bħalissa u s-sekli ta’ dominazzjoni barranija jwassal biex il-kwistjoni tat-twaqqif ta’ Stat indipendenti, identità nazzjonali u d-difiża tal-indipendenza tixrob ħafna enerġija, mhux l-inqas tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.2.   S’issa la l-imsieħba soċjali u l-anqas organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għadhom ma kellhom rwol xieraq fit-tfassil jew l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1999, jew il-pjanijiet ta’ azzjoni tal-2007–2011 marbuta mal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kemm ilhom li bdew in-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet.

1.3.   Kemm l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u n-negozjati li huma ppjanati għall-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bħala strumenti bilaterali, u l-inizjattiva multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant joffru opportunità biex is-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa f’attivitajiet relatati. Madankollu, biex dan jintlaħaq, hija meħtieġa l-parteċipazzjoni kemm tal-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll tal-Istati Membri.

1.4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar biex jikkooperaw b’mod attiv mal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni.

1.5.   Fl-istess waqt, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jisħqu li d-drittijiet tal-bniedem u l-livelli tad-demokrazija, il-prinċipji tad-djalogu soċjali u dawk tad-djalogu ċivili għandhom jiġu rispettati fin-negozjati tal-pjan ta’ azzjoni. Ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni għandu jkun fihom valutazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet. Dan jista’ jtejjeb kemm l-importanza tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-indipendenza tal-organizzazzjonijiet tagħha u l-effetti pożittivi fuq il-ħarsien ta’ drittijiet bażiċi tal-ħaddiema u l-ugwaljanza għan-nisa.

1.6.   It-twaqqif ta’ forum tas-soċjetà ċivili li huwa stipulat fl-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant jista’ jħaffef id-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet mill-pajjiżi li huma fis-sħubija u d-djalogu bejniethom u l-awtoritajiet. Madankollu għandu jsir sforz biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-forum huma verament rappreżentattivi u indipendenti. Il-KESE jista’ jkollu rwol prominenti f’li jiżgura li dawn il-kriterji qed jiġu rispettati u fit-tħaddim tal-forum.

1.7.   Għandhom jiġu promossi kuntatti globali bejn in-nies u bejn l-organizzazzjonijiet mill-pajjiżi fir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE, mhux l-inqas fuq bażi bilaterali. Għal dan il-għan, għandu jsir aktar faċli għan-nies mill-Kawkażu tan-Nofsinhar li jiksbu l-viża.

1.8.   L-istituzzjonijiet tal-UE, li jista’ jkollhom sehem fl-isforzi biex jissolvew il-kunflitti bejn pajjiżi fir-reġjun tal-Kawkażu tan-Nofsinhar, għandhom ifittxu li jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ paċi, peress li jista’ jkollhom impatt fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni.

2.   Daħla

2.1.   Ir-reġjun tal-Kawkażu tan-Nofsinhar huwa magħmul minn tliet pajjiżi, l-Armenja, l-l-Ażerbajġan u l-Georġja Minkejja l-fatt li dan ir-reġjun ma jkoprix żona kbira, huwa varjat ħafna f’termini ta’ etniċità, lingwa, storja, reliġjon u politika.

2.2.   Is-sitwazzjoni ssir aktar ikkumplikata minħabba li żewġ pajjiżi fir-reġjun, l-Armenja u l-Ażerbajġan, kellhom kunflitt għal dawn l-aħħar għoxrin sena fuq in-Nagorno-Karabakh u l-Ġeorġja ilha żmien twil li tilfet il-kontroll ta’ żewġ provinċji, l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar. Is-sitwazzjoni hemmhekk kompliet tikkomplika ruħha bil-gwerra riċenti mar-Russja.

2.3.   Minkejja t-tradizzjonijiet, l-istorja, u l-proċessi ta’ żvilupp differenti, il-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar huma marbuta b’passat komuni ta’ appartenenza mal-Unjoni Sovjetika, li ħalliet marka distinta f’ħafna oqsma tal-ħajja, l-iktar fl-isferi ekonomiċi u soċjali.

2.4.   Bħala riżultat tal-kompożizzjoni multietnika tal-Kawkażu tan-Nofsinhar, kif ukoll il-kunflitti armati li hemm bħalissa, il-kwistjoni tat-tisħiħ tal-identità nazzjonali, il-bini tal-istat u tal-istituzzjonijiet, u d-difiża tal-indipendenza jibqgħu prijorità fit-tliet pajjiżi, mhux l-inqas għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.5.   Is-sitwazzjoni politika fir-reġjun hija karatterizzata min-nuqqas serju ta’ demokrazija. F’dan l-aħħar perjodu ta’ indipendenza, li bilkemm ilu għoxrin sena, kien hemm kolpi ta’ stat, gwerer ċivili u revoluzzjonijiet li b’mod ġenerali rnexxew. Gvernijiet suċċessivi ppruvaw jillimitaw l-attivitajiet tal-oppożizzjoni politika, jikkontrollaw il-mezzi tax-xandir u jinfluwenzaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment tal-imsieħba soċjali. Kien biss wara r-revoluzzjoni tal-ward fil-Ġeorġja li seħħet trasformazzjoni demokratika f’dan il-pajjiż, għalkemm kemm l-organizzazzjonijiet indipendenti kif ukoll l-osservaturi esterni jindikaw ħafna nuqqasijiet fil-mod ta’ kif taħdem id-demokrazija fil-Ġeorġja.

2.6.   Is-sitwazzjoni ekonomika għadha diffiċli. In-nuqqas ta’ infrastruttura moderna, it-teknoloġija skaduta, in-nuqqas ta’ kapital tal-investiment lokali, l-iffinanzjar tal-armi u tal-installazzjonijiet militari u l-waqgħa tas-suq f’dawk li kienu Repubbliki Sovjetiċi huma l-kawżi ewlenin taċ-ċirkustanzi ekonomiċi ħżiena. Minħabba fid-depożiti li għandha ta’ żejt u gass, l-Ażerbajġan tinsab f’qagħda differenti. Madankollu, id-dipendenza tal-ekonomija fuq settur wieħed u t-telfa tan-Nagorno-Karabakh u r-reġjun tad-dawra tal-Ażerbajġan ifissru li l-problemi ekonomiċi tal-pajjiż xorta għadhom serji.

2.7.   Is-sitwazzjoni soċjali wkoll hija diffiċli ħafna. Parti kbira mill-popolazzjoni għadha qed tgħix taħt il-linja tal-faqar, id-differenzi fid-dħul bejn is-sinjuri u l-foqra qed jiżdiedu b’mod drammatiku, u hemm problemi soċjali serji, l-iktar fost ix-xjuħ u l-morda. Is-sitwazzjoni hija iktar imwiegħra minħabba l-livell għoli ta’ qgħad u n-numru kbir ta’ refuġjati tal-gwerra, speċjalment mill-Ġeorġja u l-Ażerbajġan. Barra minn hekk, skont diversi stimi, sa 60 % tad-dħul fil-Kawkażu tan-Nofsinhar ġej mis-settur informali, u dan joħloq problemi soċjali serji. Din is-sitwazzjoni kerha ħafna hija aktar gravi minħabba l-kriżi ekonomika globali li għaddejja bħalissa. Biex tagħqad hemm problema ta’ korruzzjoni mifruxa.

2.8.   Is-sitwazzjoni ġeopolitika tal-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar hija kumplessa ħafna f’termini tar-relazzjonijiet diffiċli ma’ xulxin u mal-pajjiżi ġirien. Huwa ċar li ser ikun diffiċli li jingħeleb l-iżolament ġeorafiku tagħhom mill-bqija tad-dinja mingħajr il-parteċipazzjoni attiva ta’ pajjiżi ġirien kbar bħat-Turkija u r-Russja. Għalhekk huwa fl-interess tagħhom li jinnormalizzaw u jtejbu kemm jista’ jkun ir-rabtiet tagħhom ma’ dawk il-pajjiżi. F’dan ir-rigward, jista’ jkun siewi l-fatt li t-tliet pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar flimkien mar-Russja u t-Turkija jieħdu sehem fis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, li hija inizjattiva multilaterali ta’ kooperazzjoni reġjonali ġdida.

2.9.   L-agrikoltura hija waħda mill-assi potenzjali tal-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar. Madankollu, għadha lura, irvinata b’politiki irrazzjonali tal-passat u n-nuqqas ta’ investiment fil-preżent. Għalhekk, bil-ftuħ fir-relazzjonijiet ta’ kummerċ bejn dawn it-tliet pajjiżi u s-suq tradizzjonali tagħhom, ir-Russja tista’ toffri stimolu importanti għall-iżvilupp fl-agrikoltura.

3.   Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fil-Kawkażu tan-Nofsinhar

3.1.   Oriġinarjament, il-Kawkażu tan-Nofsinhar ma kienx fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Ma kienx qabel mar-reġjun wera li kien interessat f’kuntatti aktar mill-qrib mal-Ewropa u fuq kollox wara r-rivoluzzjoni tal-ward f’Ġeorġja li kien hemm prospett ġdid ta’ kooperazzjoni.

3.2.   Il-pjanijiet ta’ azzjoni għat-tliet pajjiżi ġew adottati f’Novembru 2006 wara sentejn ta’ negozjati u huma l-bażi tal-kooperazzjoni għall-perjodu 2007–2011. Il-prijoritajiet tal-pjanijiet ta’ azzjoni huma simili għall-Armenja, l-Azerbajġa u l-Ġeorġja u jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin, fosthom:

it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, speċjalment bir-riforma tas-sistema ġudizzjarja skont il-livelli tal-Kunsill tal-Ewropa,

it-tisħiħ tad-demokrazija u l-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn, permezz tal-promozzjoni tal-gvernijiet lokali,

il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal mezzi tax-xandir indipendenti,

titjib fis-sitwazzjoni ekonomika bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet aħjar għan-negozju u l-intrapriża, riforma tas-sistema tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

il-kisba ta’ stabbiltà akbar permezz tal-appoġġ għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u koeżjoni soċjali, billi jonqsu ż-żoni ta’ faqar u jittieħdu miżuri għall-ħarsien tal-ambjent.

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-Kawkażu tan-Nofsinhar,

miżuri biex tinstab soluzzjoni ta’ paċi għall-kunflitti territorjali.

3.3.   Il-PEV ma hija marbuta bl-ebda mod ma’ sħubija potenzjali fl-UE għall-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar. Madankollu, tidentifika oqsma għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, li tqarreb lil dawn il-pajjiżi lejn il-livelli stabbiliti mill-acquis communautaire. Potenzjalment, jekk ikunu jixtiequ, tista’ twassal ukoll biex jidħlu fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.4.   S’issa la l-imsieħba soċjali u lanqas organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għad ma kellhom rwol importanti fin-negozjati tal-prinċipji tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni jew fl-implimentazzjoni tagħhom, għalkemm is-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għall-ieħor u skont kemm huma dinamiċi l-organizzazzjonijiet individwali. Dawk l-organizzazzjonijiet li ppruvaw jipparteċipaw fil-proċess, xi drabi għamlu dan fuq inizjattiva proprja, u kontra x-xewqat tal-awtoritajiet aktar milli fuq talba tagħhom.

3.5.   Kemm l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni bħala għodda ewlenija fl-aproċċ bilaterali kif ukoll l-inizjattiva multilaterali l-ġdida tas-Sħubija tal-Lvant joffru opportunità biex is-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa aktar fil-ħidma li qed issir u f’miżuri relatati. Iżda, biex dawn l-organizzazzjonijiet jkunu jistgħu jikkooperaw tassew, irid ikun hemm xi ftit tal-inizjattiva u monitoraġġ min-naħa tal-istituzzjonjiet Ewropej u għajnuna mill-organizzazzjonijiet imsieħba fl-Istati Membri tal-UE.

4.   Min Iħaddem

4.1.   L-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fit-tliet pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar jidhru li huma taħt l-influwenza qawwija tal-awtoritajiet, mhux l-inqas għaliex parti importanti tal-attività ekonomika ssir mis-settur statali. Madankollu, ir-raġunijiet għal din l-influwenza u l-mod kif titħaddem mhumiex l-istess f’kull pajjiż.

4.2.   Karatteristika importanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozji hija l-importanza kruċjali tal-kmamar tal-industrija u tal-kummerċ. Għalkemm dawn mhumiex organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem f’sens strett u għalkemm il-ħidma u l-oqsma tagħhom ta’ attività huma aktar wesgħin milli li jirrappreżentaw in-negozji bħala msieħba soċjali, ir-rabtiet mill-viċin li huma jkollhom mal-gvernijiet u l-pożizzjoni tagħhom li hija spiss dik ta’ kważi gvernijiet tfisser li dawn l-organizzazzjonjiet huwa awtoritattivi ħafna iżda mhux partikolarment indipendenti.

Minħabba d-dgħufija tagħhom, il-fatt li mhumiex partikolarment rappreżentattivi u r-rabtiet tagħhom mal-awtoritajiet tal-istat, li spiss jieħdu forma ta’ dipendenza, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem ma jinsabux f’qagħda li jkollhom rwol ta’ imsieħba soċjali sħaħ fin-negozjati mal-għaqdiet tal-ħaddiema, li huma sfurzati li jiddiskutu diversi kwistjonijiet b’mod dirett mal-gvern kemm jekk jixtiequ u kemm jekk le. Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor.

4.3.1.   Minkejja l-pressjoni kbira għall-privatizzazzjoni mill-gvern tal-Ġeorġja li huwa mixħut aktar lejn in-naħa tas-suq, sezzjoni kbira tal-industrija hija taħt il-kontroll tal-istat, u l-maġġoranza tan-negozji privatizzati huma f’idejn investituri mir-Russja jew il-Kazakistan. B’hekk il-gvern huwa aktar ħerqan li jindaħal fi kwistjonijiet ta’ min iħaddem u jżid ir-raġunijiet biex jagħmel dan.

4.3.2.   Is-setturi ewlenin tal-ekonomija Armena għadhom f’idejn il-veterani tal-gwerra tan-Nagorno-Karabakh, li ħolqu grupp privileġġjat ta’ intraprendituri. Fl-istess waqt, qed jinżammu r-rabtiet reċiproċi finanzjarji, kummerċjali u politiċi bejn in-nies tan-negozju, il-parlamentari u l-politiċi fil-gvern. Issa li l-ġenerazzjoni tal-ġellieda fil-gwerra tan-Nagorno-Karabakh qed joħorġu mix-xena, u b’riżultat tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ekwivalenti fl-Ewropa, l-organizzazzjonijiet tan-negozju fl-Armenja jistgħu jibdew jaqdu r-rwol aktar tradizzjonali ta’ msieħba soċjali.

4.3.3.   Is-settur tal-enerġija jifforma 90 % tal-ekonomija Ażerbajġana u għadu taħt is-superviżjoni diretta tal-president. Dan, flimkien mal-fatt li l-ogħla klassi fin-negozju f’setturi oħra tal-ekonomija hija magħmula minn amministraturi żgħażagħ li huma lejali lejn l-Awtoritajiet tal-Istat, ħafna minnhom b’livell għoli ħafna ta’ edukazzjoni u mħarrġa fl-Ewropa tal-Punent jew fl-Istati Uniti, ifisser li l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem qed jibda jkollhom rwol dejjem iktar ta’ msieħeb soċjali.

5.   L-għaqdiet tal-ħaddiema

5.1.   L-għaqdiet tal-ħaddiema fit-tliet pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar huma differenti ħafna minn xulxin; fil-biċċa l-kbira dan huwa minħabba l-ekonomiji differenti kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u politiċi li jaħdmu fihom. Fost il-karatteristiċi komuni hemm it-tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ membri tul is-snin, u l-isforzi, li xi ftit jew wisq irnexxew, biex jaġġornaw strutturi u metodi organizzattivi skaduti. Minkejja li kien hemm bosta tentattivi, s’issa ma kienx possibbli li titwaqqaf alternattiva reali għall-għaqdiet tal-ħaddiema eżistenti u fil-prattika dan jippermetti lill-organizzazzjonijiet li kienu jeżistu meta seħħet l-indipendenza jkollhom id-dritt esklussiv li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.

Madankollu, dawn l-organizzazzjonijiet huma differenti fil-livell ta’ indipendenza mill-awtortajiet tal-istat u fil-viċinanza tar-rabtiet li għandhom mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li magħhom huma sħab.

5.2.1.   L-għaqdiet tal-ħaddiema tal-Ġeorġja huma relattivament indipendenti mill-gvern u l-amministrazzjoni tal-president, li magħhom jinsabu f’kunflitt. Din hija sitwazzjoni diffiċli minħabba fl-akkużi ta’ mġieba mhux patrijottika u anke sabotaġġ f’sitwazzjoni ta’ gwerra. Iżda hija wkoll waħda li ma tistax tiġi evitata fid-dawl tal-arroganza tal-awtoritajiet u n-nuqqas tagħhom li jqisu l-opinjoni tal-imsieħba soċjali. Id-drittijiet tal-għaqdiet tal-ħaddiema u tal-ħaddiema nfushom inkisru kemm il-darba u ddaħħal kodiċi tax-xogħol ġdid mingħajr konsultazzjoni.

5.2.2.   L-għaqdiet tal-ħaddiema tal-Armenja, li kienu l-aħħar mit-tliet pajjiżi li bdew ir-riformi, rari ħafna jieħdu pożizzjoni kritika jew indipendenti lejn l-awtoritajiet tal-istat, u ilhom ma jgħamlu riformi kbar żmien twil minn mindu saru indipendenti mill-istruttura pan-Sovjetika. Dan kien minħabba fis-sitwazzjoni ta’ gwerra u l-prinċipju ta’ korrettezza politika tal-pajjiż li kien jitlob appoġġ għall-awtoritajiet bħala obbligu patrijottiku. Il-bidla fit-tmexxija tal-konfederazzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema, li seħħet fl-2007, ser jippermettilha li ssir aktar dinamika fl-attivitajiet tagħha u aktar indipendenti.

5.2.3.   L-Awtoritajiet tal-Istat tal-Ażerbajġan, mill-mument li l-grupp attwali kiseb il-poter, tat ħafna attenzjoni lid-djalogu soċjali u l-garanzija tal-armonija soċjali. L-għaqdiet tal-ħaddiema, li jappoġġjaw din il-politika, jixtiequ jiksbu kemm jistgħu għall-ħaddiema, mingħajr ma jidħlu f’kunflitti kbar u jevitaw li jipperikolaw l-unità nazzjonali. Dan ħoloq mudell korporattiv speċifiku għall-għaqdiet tal-ħaddiema, b’mod partikolari fl-aktar settur industrijali sinjur (l-enerġija) u fis-settur tas-servizzi tal-istat. L-għaqdiet tal-ħaddiema, li għandhom indipendenza relattivament konsiderevoli, jiddefendu b’mod attiv id-drittijiet soċjali u l-ġid tal-membri tagħhom, filwaqt li jevitaw il-konfrontazzjoni diretta mal-gvern. Din tidher li hija l-unika strateġija possibbli bħalissa.

6.   Organizzazzjonijiet nongovernattivi li jirrappreżentaw interessi oħrajn

6.1.   L-NGOs fil-Kawkażu tan-Nofsinhar jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi skont kif jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom:

NGOs indipendenti, li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-kontributi tal-membri, servizzi pprovduti esternament jew fuq il-bażi ta’ ġid akkumulat jew li ntiret;

NGOs li twaqqfu, huma ffinanzjati jew ikkontrollati mill-gvern;

NGOs li jiddependu minn donaturi esterni, ġeneralment barranin.

6.2.   Karatteristika tipika tal-NGOs tar-reġjun tal-Kawkażu tan-Nofsinhar hija l-varjetà wiesgħa ta’ għanijiet u ħidmiet kif ukoll in-natura tagħhom li spiss hija tranżitorja. L-NGOs ta’ spiss jitwaqqfu u wara jgħibu meta jkunu temmew ħidma speċifika jew wara li l-fondi tagħhom jispiċċaw.

6.3.   In-nuqqas ta’ tradizzjoni ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kunflitti armati u d-diffikultajiet fl-attivitajiet tal-iffinanzjar jagħmilha diffiċli biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet li huma verament indipendenti.

Wara r-rovina ekonomiku u l-katastrofi soċjali li seħħew fil-perjodu tal-bidu wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, proporzjon kbir tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-ġlieda kontra l-faqar u t-titjib fil-livell ta’ għejxien.

6.4.1.   Is-soċjetà ċivili tidher li qed tiżviluppa b’mod dinamiku l-aktar fil-Ġeorġja. Hemm madwar 100 NGO, li ġew rikonoxxuti mill-osservaturi indipendenti u li huma attivi f’oqsma bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, il-libertà tal-istampa, il-ħarsien tal-ambjent u s-sigurtà tal-enerġija.

6.4.2.   Fl-Armenja, il-gruppi ewlenin ta’ NGOs huma dawk b’kummissjoni diretta mill-gvern jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jagħmlu analiżi politika jew ifasslu dokumenti ta’ strateġija u dawk li jwettqu proġetti f’oqsma bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali. Fenomenu interessanti huwa t-trasformazzjoni ta’ xi NGOs f’negozji żgħar ta’ servizzi kummerċjali wara t-tkomplija ta’ proġett.

6.4.3.   Fl-Ażerbajġan il-Forum nazzjonali tal-NGOs li twaqqaf fl-1999 bl-appoġġ tal-UNDP jirrapreżenta taħlita ta’ aktar minn 400 NGO li huma parzjalment dipendenti fuq il-gvern, sostenituri barranin jew il-partiti tal-oppożizzjoni, u l-ftit organizzazzjonijiet li jifdal isostnu lilhom infushom billi jitolbu ħlas għas-servizzi tagħhom. Minkejja dan kollu, hemm ukoll numru żgħir ta’ organizzazzjonijiet li jżommu n-newtralità politika tagħhom u fil-ġejjieni jista’ jkollhom sehem ikbar fl-għaġna tal-opinjonijiet.

7.   Perspettivi u rakkomandazzjonijiet

L-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat toffri opportunità li s’issa għandha ma ġietx sfruttata biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u ċivili f’termini ta’ kooperazzjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar.

7.1.1.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili dwar il-pjanijiet u jdaħħluhom fi sforzi konġunti fl-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet. Lanqas l-aħjar prattika ta’ kuntatti diretti bejn ir-rappreżentanti tal-UE u l-organizzazzjonijiet magħżula ma tista’ tieħu post din il-ħaġa. Dan ikun sinifikanti kemm għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni kif ukoll biex jiżdiedu l-importanza u r-rwol tas-soċjetà ċivili.

7.1.2.   Waqt in-negozjati tal-pjanijiet ta’ azzjoni u l-Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti aktar importanza lir-rispett tad-drittijiet umani u l-livelli tad-demokrazija, il-prinċipji tad-djalogu soċjali u dawk tad-djalogu ċivili, fosthom id-dritt tal-assoċjazzjoni u li jsiru negozjati kollettivi. Tkun ħaġa tajba li r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni jkun fihom valutazzjoni fil-fond ta’ dawn il-kwistjonijiet.

7.1.3.   Il-gvernijiet tal-pajjiżi individwali għandhom jagħmlu kampanja mifruxa ta’ informazzjoni dwar l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-acquis communautaire kif ukoll dwar il-politika tal-viċinat u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni, filwaqt li jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej u jikkooperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għandhom jinħolqu għodod u strumenti finanzjari xierqa għal dan il-għan. Għodda minnhom tista’ tkun il-possibbiltà ta’ għotjiet żgħar Ewropej għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, maħluqa apposta għalhekk.

7.2.   L-inizjattiva l-ġdida tas-Sħubija tal-Lvant ser toffri opportunità ġdida biex jissaħħu l-kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Kawkażu tan-Nofsinhar u l-Unjoni Ewropea u, fuq kollox, biex jissaħħaħ id-djalogu ċivili lokalment.

Il-proposta fl-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant li jitwaqqaf forum tas-soċjetà ċivili bit-tir li jippromovi l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u jiffaċilita d-djalogu bejnhom u l-awtoritajiet hija inizjattiva siewja, iżda għandha tmur id f’id ma’ monitoraġġ mill-istituzzjonijet Ewropej biex jiżguraw li dan id-djalogu jkun ġenwin.

7.3.1.   Hemm bżonn li jsir sforz biex ikun żgurat li r-rappreżentanti jinħatru fil-forum b’mod demokratiku u li l-forum għandu jkun fih l-aktar organizzazzjonijiet rappreżentattivi, demokratiċi u indipendenti. Il-KESE jista’ jkollu rwol prominenti f’dan il-proċess billi jiżgura li dawn il-kriterji jiġu rispettati fit-tħaddim tal-forum.

7.3.2.   Barra minn hekk, jekk il-forum, bħala korp, ikun jista’ jiġbor fih membri minn pajjiżi oħra li jinsabu fis-Sħubija tal-Lvant, dan jagħmilha possibbli għas-soċjetà ċivili li testendi l-prinċipju tal-kooperazzjoni multilaterali biex iħaddan pajjiżi barra mill-Kawkażu tan-Nofsinhar.

7.4.   Is-Sħubija tal-Lvant għandha tippromovi kuntatti effettivi bejn il-popli u l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xjenza, il-kultura, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-intolleranza kif ukoll ir-rispett reċiproku bejn il-popli. Biex dan jintlaħaq, għandu jsir aktar faċli li n-nies mill-Kawkażu t’isfel jiksbu l-viża.

7.5.   Kemm il-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll is-Sħubija tal-Lvant jippermettu lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar biex mhux biss tagħmel kuntatt mal-istituzzjonijiet tal-UE iżda wkoll li tifforma kooperazzjoni bilaterali mal-organizzazzjonijiet sieħba tagħha stess. Ikun siewi ħafna wkoll li jitwaqqaf mekkaniżmu biex jappoġġja l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-kontropartijiet tal-UE.

7.6.   Waħda mill-problemi li qed tolqot il-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar hija l-kunflitti armati li għaddejjin bħalissa. Minbarra r-rwol ovvju tal-istituzzzjonijiet tal-UE fl-isforzi biex dawn il-kunflitti jissolvew, jidher li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol ta’ appoġġ fil-proċess ta’ paċi, speċjalment fil-promozzjoni tiegħu fost il-poplu tagħhom stess. Inizjattivi reġjonali konġunti jista’ jkollhom importanza partikolari hawnhekk, billi l-kuntatti bejn organizzazzjonijiet imsieħba tal-pajjiżi f’kunflitt isiru l-punt ta’ tluq għall-proċess diffiċli ta’ rikonċiljazzjoni.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali”

(2009/C 277/08)

Rapporteur: Is-Sinjura PELTOLA

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2008 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Marja-Liisa Peltola.

Matul il-… sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’171 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jemmen li l-erba’ għanijiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, li huma maħsuba biex jagħmlu r-reġjun wieħed li 1) jirrispetta l-ambjent, 2) huwa għani, 3) huwa attraenti u aċċessibbli u 4) sigur, huma importanti, ġustifikati u komplimentari.

1.2.   Il-KESE jenfasizza r-rwol vitali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twaqqaf Forum konsultattiv tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar Baltiku sabiex ikun żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

1.3.   Id-dimensjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku trid tintrabat mal-kooperazzjoni fi ħdan id-Dimensjoni tat-Tramuntana, biex b’hekk titwitta t-triq għal sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi terzi fejn kull entità tkun ugwali.

1.4.   Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku ser teħtieġ li jiġi stabbilit il-baġit separat tagħha, inkella hemm ir-riskju li l-istrateġija tibqa’ biss stqarrija politika u ma tilħaqx l-għanijiet tagħha.

1.5.   Il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità titlob miżuri istituzzjonali mill-UE, l-iktar it-tisħiħ tal-bażi tat-trattati internazzjonali. Dan jgħin lill-bosta atturi, kemm jekk ikunu kumpaniji jew individwi privati, biex joħolqu integrazzjoni u tkabbir ekonomiku fir-reġjun b’aktar suċċess minn qatt qabel. Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-ekonomija tar-reġjun tal-Baħar Baltiku ser iżid l-attraenza tiegħu u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ marka tal-Baħar Baltiku. It-tkabbir ekonomiku jġib ukoll benefiċċji usa’ għaż-żona kollha tal-UE billi jtejjeb it-tħaddim tas-swieq interni u l-integrazzjoni tal-ekonomija.

1.6.   Il-KESE huwa tal-fehma li, kif qablu l-UE u l-istati ta’ max-xatt tal-Baltiku, is-segwitu tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Baħar Baltiku HELCOM huwa l-aħjar mod kif jitħares l-ambjent tal-Baħar Baltiku.

1.7.   Il-KESE jemmen li s-sehem attiv taċ-ċittadini ser isir dejjem aktar importanti fil-futur, anki f’dawk is-setturi u l-oqsma li soltu jieħu ħsiebhom is-settur pubbliku. Il-ħarsien ambjentali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku huwa eżempju tajjeb ta’ dan.

2.   Daħla

2.1.   L-Unjoni Ewropea tinsab fil-proċess tat-tfassil ta’ Strateġija tal-Baħar Baltiku. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar it-tfassil ta’ Strateġija tal-Baħar Baltiku tal-UE f’Novembru 2006. F’Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tfassal l-istrateġija sa Ġunju 2009. Din l-istrateġija tistipula l-iktar parametri importanti għat-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali futura fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Il-Kummissjoni qed tħejji l-istrateġija bħala inizjattiva ta’ politika reġjonali. B’kollox, hemm 19-il Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni involuti fix-xogħol ta’ tħejjija.

2.2.   L-istrateġija x’aktarx li jkollha erba’ għanijiet: li tagħmel mir-reġjun tal-Baħar Baltiku (1) 1) reġjun sostenibbli mil-lat ambjentali, 2) post għani, 3) post attraenti u aċċessibbli u 4) post sigur. Il-KESE jemmen li dawn l-għanijiet għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku huma importanti, ġustifikati u komplimentari. Il-kunċett tal-ħolqien ta’ identità ċara tal-Baħar Baltiku hija wkoll ġustifikata. Billi tressaq rakkomandazzjonijiet dwar gvernanza aħjar, l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku ser ikollha wkoll l-għan li tissemplifika l-proċeduri u tnaqqas il-burokrazija.

2.3.   Il-kontenut u l-perspettiva ġenerali tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tal-Kummissjoni nbnew permezz ta’ djalogu pubbliku miftuħ u ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati. Barra minn dawn ir-round tables, intużat ukoll konsultazzjoni pubblika fuq l-Internet biex jinġabru l-fehmiet u l-opinjonijiet (2). Il-KESE jappoġġja l-approċċ li għażlet li tieħu l-Kummissjoni Ewropea.

2.4.   L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku ser titressaq quddiem il-Kunsill Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2009. Il-pjan għall-implimentazzjoni tal-istrateġija huwa maħsub li jkun dokument prattiku ħafna li jiddefinixxi l-atturi responsabbli u l-iskedi, u li miegħu jiżdied miżuri komplimentari jekk dan ikun meħtieġ. L-implimentazzjoni tal-istrateġija ser tibda taħt il-Presidenza Żvediża tal-UE u l-ħidma ser tkompli taħt il-presidenzi ta’ Stati Membri Baltiċi oħrajn, l-ewwel il-Polonja fl-2011 u mbagħad id-Danimarka u l-Litwanja fl-2012 u l-2013.

2.5.   Id-dimensjoni tar-relazzjonijiet esterni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tal-UE hija marbuta mal-kooperazzjoni fid-Dimensjoni tat-Tramuntana (3). Id-Dimensjoni tat-Tramuntana hija strument li bih l-UE u r-Russja, flimkien man-Norveġja u l-Iżlanda, jimplimentaw politiki f’oqsma ta’ politika li ntlaħaq qbil dwarhom fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Il-kooperazzjoni fid-Dimensjoni tat-Tramuntana ser tagħmilha possibbli li tinħoloq sħubija ugwali bejn l-UE u pajjiżi terzi. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inklużjoni tal-istati kollha tal-Baħar Baltiku fi proġetti konġunti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Huwa għalhekk li s-sehem u l-impenn tar-Russja lejn il-kooperazzjoni tal-Baħar Baltiku mill-bidu hija ta’ importanza kruċjali, bl-istess mod kif inhu dak tan-Norveġja u l-Iżlanda li storikament, ekonomikament u kulturalment huma marbuta mill-qrib mal-Istati msemmija hawn fuq.

2.6.   Ma huma maħsuba l-ebda strumenti ġodda ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Il-kanali ta’ fondi li jeżistu jinkludi l-Fondi Strutturali tal-UR (EUR 55 biljun għar-reġjun tal-Baħar Baltiku bejn l-2007 u l-2013), il-fondi nazzjonali minn kull stat tal-Baħar Baltiku u possibilitajiet oħra ta’ fondi minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew tal-Ivestiment, il-Bank Nordiku għall-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Il-KESE jemmen li jrid isir aktar użu effettiv tal-bosta sorsi ta’ fondi tal-UE għall-għanijiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

2.7.   Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku ser teħtieġ li jiġi stabbilit baġit separat għaliha, inkella hemm ir-riskju li l-istrateġija tibqa’ biss stqarrija politika u ma tilħaqx l-għanijiet tagħha. Il-KESE ser jindirizza l-kwistjoni tal-iffinanzjar aktar mill-qrib f’opinjoni futura.

3.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku

3.1.   Il-KESE jinsab sodisfatt bil-fatt li l-Kummissjoni involviet b’mod attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ħolqien ta’ Strateġija tal-Baħar Baltiku: is-sehem attiv tagħhom huwa wkoll meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija. Il-KESE jsostni li mingħajr l-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, ma jistgħux jittieħdu l-miżuri tal-istrateġija u jintlaħqu l-għanijiet tagħha.

3.2.   Bħalissa, il-ħidma importanti ta’ bosta organizzazzjonijiet differenti, bħal NGOs, il-konsumaturi, u negozji jew gruppi ta’ konservazzjoni tal-ambjent spiss qatt ma tmur lil hinn mill-istadju ta’ rakkomandazzjonijiet. L-għarfien dwar xogħlhom huwa nieqes u l-miżuri prattiċi għandhom mnejn qatt ma jaslu biex jittieħdu.

3.3.   Barra mill-korpi nazzjonali, ir-reġjuni, il-bliet u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata huma wkoll atturi importanti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu ċċarati r-rwoli differenti tagħhom, sabiex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien u jiżviluppaw ftehim ta’ kooperazzjoni. Jeħtieġ ukoll li tiġi ċċarata l-massa kkumplikata ta’ iniżjattivi u proġetti taħt il-programmi ta’ ffinanzjar differenti billi l-programmi jiġu kkordinati b’mod aktar effiċjenti u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku jitqiesu b’mod sistematiku.

3.4.   Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni prattika u l-monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u b’hekk jipproponi li l-Kummissjoni twaqqaf Forum konsultattiv tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar Baltiku, li l-mandat tiegħu jkun:

li jiżgura l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku;

li jleħħen il-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata dwar kwistjonijiet topiċi għall-awtoritajiet rilevanti tal-Baħar Baltiku;

li jħeġġeġ l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi involuti fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku;

li jħeġġeġ is-sehem tas-soċjetà organizzata ċivili fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE;

li jrawwem u jħeġġeġ id-diskussjoni pubblika u jqajjem koxjenza dwar il-miżuri tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, il-progress li sar u l-għanijiet li jridu jintlaħqu, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f’pajjiżi oħra koperti mill-istrateġija;

li juża bosta mezzi, bħal żjarat, workshops u t-tixrid tal-aħjar prattika, biex iħeġġeġ in-netwerking bejn gruppi tas-soċjetà ċivili reġjonali (kemm fl-UE kif ukoll barra).

3.5.   Il-KESE jinsab lest li jibda x-xogħol ta’ tħejjija għall-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Baħar Baltiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-mandat u l-kompożizzjoni tiegħu u ma’ kif ser jaħdem. Bil-kuntatti li għandu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata u l-esperjenza tiegħu f’oqsma simili, il-KESE ser ikun kapaċi jieħu ħsieb l-attivitajiet tal-Forum. Il-KESE għandu esperjenza pożittiva ħafna u mudelli funzjonali mill-iżgurar tas-sehem attiv tas-soċjetà ċivili organizzata fi proġetti bħall-kooperazzjoni Mediterranja (4) u kooperazzjoni permezz ta’ netwerks fir-reġjun tal-Baħar Iswed (5).

4.   Nagħmlu mill-Baħar Baltiku żona ekonomika għanja

4.1.   L-implimentazzjoni effettiva tas-suq intern tal-UE fir-reġjun ġġib magħha benefiċċji importanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir ekonomiku. L-UE, l-istati nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali joħolqu l-istrutturi istituzzjonali li jinsabu wara r-relazzjonijiet internazzjonali mar-reġjun tal-Baħar Baltiku u jagħmluha possibbli li dan jikber. Minkejja dan, huwa ċar li huma l-atturi ekonomiċi nnifishom, kumpaniji kif ukoll individwi privati, li huma responsabbli għall-integrazzjoni ekonomika. B’hekk, dan ser ikun il-fattur li jiddetermina kemm tirnexxi l-integrazzjoni tad-dħul ekonomiku tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u kemm jikber malajr. Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-ekonomija tar-reġjun tal-Baħar Baltiku ser iżid l-attraenza tiegħu u jħeġġeġ il-ħolqien ta’ marka tal-Baħar Baltiku. It-tisħiħ tal-ekonomija tar-reġjun tal-Baħar Baltiku ġġib ukoll benefiċċja usa’ liż-żona sħiħa tal-UE.

Dan li ġej isemmi l-prijoritajiet ewlenin għall-integrazzjoni tas-suq u l-miżuri biex jiġi mħeġġeġ it-tkabbir fir-reġjun ekonomiku tal-Baħar Baltiku.

It-tisħiħ tal-bażi tat-trattati internazzjonali

4.2.1.1.   Biex naħtfu l-opportunitajiet ekonomiċi li joffri r-reġjun tal-Baħar Baltiku hemm bżonn ta’, l-ewwel nett, espansjoni sinifikanti fil-bażi tat-trattati internazzjonali kif ukoll integrazzjoni aħjar tal-Ewropa. Għalkemm is-sħubija tar-Russja fil-WTO u l-ftehimiet ġodda ta’ kooperazzjoni mal-UE (Il-Ftehim Ġdid UE/Russja) ma għandhomx x’jaqsmu mar-reġjun tal-Baħar Baltiku esklużivament, il-benefiċċji li jistgħu jagħtu lir-reġjun huma ta’ importanza deċiżiva billi joħolqu t-tkabbir ekonomiku reġjonali u jħeġġu l-iżvilupp. Il-Baħar Baltiku huwa l-aktar rotta naturali importanti għall-esportazzjoni tal-prodotti tar-Russja lejn l-Ewropa.

4.2.1.2.   Hija kwistjoni ta’ tħassib għall-KESE li r-Russja mhijiex parti mill-Programm tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (INTERREG IVB 2007-2013) li qed jaħdem biex ir-reġjun isir post attraenti biex wieħed jinvesti, jgħix u jaħdem fih.

4.2.1.3.   Hemm bosta ftehimiet kuntrattwali li jaqgħu taħt is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u l-Istati Membri li setgħu ħallew impatt tassew pożittiv fuq ir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Pereżempju, bħalissa, kumpanija li taħdem f’kull wieħed mid-disa’ pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku trid tuża xejn inqas minn tmien muniti differenti. Il-Finlandja u l-Ġermanja biss huma parti miż-żona tal-euro. Huwa importanti ħafna għall-unjoni ekonomika u monetarja li tiġi estiża biex tinkludi d-Danimarka, l-Iżvezja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja. B’mod partikolari, kieku d-Danimarka u l-Iżvezja jieħdu inizjattivi biex jissieħbu fl-unjoni ekonomika u monetarja dan iżid l-effettività u l-kredibbiltà għall-isforzi biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-reġjun ekonomiku tal-Baħar Baltiku.

Inħeġġu t-tħaddim tas-suq intern

4.2.2.1.   Għad fadal aktar xi jsir biex is-suq intern tar-reġjun tal-Baħar Baltiku jaħdem tajjeb. Bi speċjalizzazzjonili dejjem qed tiżdied, ħafna iktar kumpaniji qed jaħdmu f’bosta netwerks internazzjonali maħluqa skont il-qasam ta’ attività. Permezz tal-konsumaturi, is-sottokuntratturi u l-imsieħba tan-negozju tagħhom, il-kumpaniji għandhom rabtiet ma’ swieq u produtturi fir-reġjun kollu tal-Baħar Baltiku. Biż-żieda fit-tranżazzjonijiet kummerċjali transkonfinali, huwa tassew importanti għar-reġjun tal-Baħar Baltiku li tinħoloq żona ta’ suq uniformi kemm jista’ jkun sabiex ma jkunx hemm xkiel għall-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi, l-akkwisti pubbliċi u l-flussi ta’ investiment, u s-swieq tal-kapital u tax-xogħol jaħdmu tajjeb.

4.2.2.2.   Id-dħul fis-seħħ tat-trattat il-ġdid ta’ Liżbona fl-2010 jaf ikun importanti ħafna għall-Istati Membri tal-UE fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. It-trattat isaħħaħ ir-responsabbiltà tal-UE f’oqsma importanti għall-industrija bħall-unjoni doganali, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-politika tal-kummerċ.

4.2.2.3.   Huwa wkoll kruċjali li l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE tkun kemm jista’ jkun uniformi. Pereżempju, element ewlieni tal-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi riveduta hija d-direttiva dwar is-servizzi li trid tiġi implimentata fl-Istati Membri sat-28 ta’ Diċembru 2009. Ir-rapport ta’ Frar 2009 (6) tal-Eurochamber (7) jenfasizza, fost l-oħrajn. id-differenzi sinifikanti bejn l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva fl-Istati Membri Baltiċi tal-UE kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skedi kif ukoll kontenut. Il-qagħda bħalissa toffri l-Istati Membri Baltiċi tal-UE opportunità mill-aqwa biex jaħdmu flimkien sabiex joħolqu sistema tan-negozju standardizzata u ċentralizzata għall-fornituri tas-servizzi. Din is-sistema tan-negozju ċentralizzata trid tiċċara l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ servizzi, biex b’hekk ikun eħfef biex jinkiseb tagħrif dwar formalitajiet amministrattivi u l-ħarsien tal-konsumaturi kif ukoll biex ikun eħfef għall-fornituri tas-servizzi li jittrasferixxu minn Stat Membru għal ieħor.

4.2.2.4.   Bosta setturi ewlenin fir-reġjun tal-Baħar Baltiku jibqgħu barra mill-ambitu tad-direttiva dwar is-servizzi. Fost dawn insibu xi servizzi ta’ trasport, aġenziji tax-xogħol temporanju, is-servizzi finanzjarji u s-servizzi tal-kura tas-saħħa. Dawn is-servizzi wkoll jeħtieġu suq intern li jaħdem tajjeb, speċjalment jekk il-kumpaniji jintalbu jkunu fornituri tas-servizzi attivi.

4.2.2.5.   Hemm bosta ostakli għall-kummerċ li għadhom ixekklu l-kumpaniji milli jaħdmu tajjeb fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. L-Unjoni Ewropea u atturi oħra għad fadlilhom wisq x’jagħmlu fir-reġjun tal-Baħar Baltiku fit-tisħiħ tal-prinċipji bażiċi tal-istat tad-dritt u, l-iktar, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

4.2.2.6.   Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal eżempju mill-aqwa ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u r-Russja. Fl-1 ta’ Jannar 2009 beda proġett pilota dwar it-trażmissjoni elettronika tad-data dwar l-ipproċessar tad-dwana. F’dan l-istadju tal-bidu, ir-Russja u tmien pajjiżi tal-UE, tlieta mir-reġjun tal-Baltiku (il-Latvja, l-Iżvezja u l-Finlandja) huma involuti. Tliet pajjiżi Baltiċi oħra (il-Litwanja, l-Estonja u l-Polonja) ser jissieħbu fil-proġett aktar tard fl-2009. Dan il-proġett huwa l-ewwel pass fil-modernizzazzjoni tal-proċeduri tad-dwana bejn ir-Russja u l-UE. Jinħtieġu aktar miżuri ta’ armonizzazzjoni biex jiffaċilitaw l-ipproċessar tad-dwana sabiex inaqqsu l-opportunitajiet għall-kriminalità f’dan il-qasam. L-armonizzazzjoni ttejjeb il-loġistika u tnaqqas l-ispejjeż għall-kumpaniji.

Infrastruttura

4.2.3.1.   L-infrastruttura teħtieġ li t-trasportazzjoni bil-baħar, ix-xmajjar, l-art u s-sema tintrabat transkonfinalment. Dan jeħtieġ kompetizzjoni u ppjanar konġunt sabiex ir-rotot ikunu jistgħu jintrabtu flimkien mingħajr interruzzjonijiet. Jeħtieġ li tingħata wkoll aktar attenzjoni għall-kwalità tagħhom. Hemm bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u mar-Russja b’mod partikolari biex jiġu żviluppati katini ta’ trasport irħas u effiċjenti u biex titneħħa l-konġestjoni tat-traffiku. Dan jista’ jinkiseb billi jsir użu sħiħ tal-kunċett tal-awtostrada tal-Baħar Baltiku, il-politika TEN-T (8) mifruxa mal-Ewropa dwar in-netwerks tat-trasport u s-sħubija tat-trasport u l-loġistika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana li qed titħejja bħalissa. Kull analiżi ta’ dan għandha tiġbor fiha l-Istati Membri tal-UE u r-rotot ta’ trasport trans-Ewropew. Din hija kundizzjoni kruċjali għat-titjib tal-mobilità tal-prodotti, is-servizzi u x-xogħol.

Nagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku

4.2.4.1.   Bosta riċerka turi li hemm rabta pożittiva bejn it-tkabbir ekonomiku u l-effettività tas-sistema legali (9). In-nuqqas ta’ protezzjoni tal-proprjetà, il-korruzzjoni u l-inċertezza dwar iż-żamma tal-kuntratti u l-indipendenza tal-korpi legali flimkien mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni inkonsistenti tal-liġi jwasslu biex idewmu l-proċess ta’ tkabbir ekonomiku. Dan iwassal biex l-investiment isir aktar riskjuż u l-flussi ta’ investimenti jieqfu. Il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku jistgħu jaqblu fuq passi konġunti sabiex ipattu għal kull nuqqas f’dan l-aspett. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku toffri sisien mill-aqwa għal azzjoni bħal din.

4.2.4.2.   Id-disa’ pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku huma differenti ħafna minn xulxin f’bosta aspetti. Il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku u r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom inbidlu ħafna tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Il-livelli ta’ żvilupp ekonomiku u l-istrutturi industrijali ivarjaw minn pajjiż għal ieħor u l-opportunitajiet ġodda ta’ negozju maħluq mid-differenzi fid-domanda u l-provvista u d-diversità għandhom jiġu sfruttati aħjar minn qabel. Ix-xejriet il-kbar fir-reġjun, bħall-integrazzjoni Ewropea, l-istatus internazzjonali tar-Russja li qed jinbidel u l-bidliet globali fis-swieq tal-enerġija, il-prodotti u s-servizzi, għandhom jiġu sfruttati b’mod li jkun sostenibbli kummerċjalment u ekonomikament. Dan ifisser li l-atturi tas-soċjetà ċivili jrid ikollhom kundizzjonijiet bażiċi favorevoli u inċentivi għall-attivitajiet tagħhom.

4.2.4.3.   Il-KESE jsostni li t-tkabbir ekonomiku u l-produzzjoni effiċjenti ma għandhomx bil-fors imorru kontra t-tħassib ambjentali. Bil-kontra ta’ dan, għandhom jissemmew l-opportunitajiet pożittivi li toffri l-interazzjoni bejn ekonomija li qed tikber u tiddiversifika u ambjent iżjed nadif.

Kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni

4.2.5.1.   Fir-reġjun tal-Baħar Baltiku bħalissa għaddejjin proġetti konġunti ta’ innovazzjoni interessanti u internazzjonali fuq bażi ta’ clusters. Pereżempju, in-Nordisk Innovations Center (NICE) nieda ’l fuq minn 100 proġett u netwerk transkonfinali differenti li tqassmu fi gruppi tematiċi differenti: setturi kreattivi, teknoloġija ambjentali, mikrotekonoloġija u nanoteknoloġija, kostruzzjoni innovattiva, nutriċewtiċi u s-sigurtà tal-ikel.

4.2.5.2.   Il-KESE jenfasizza dwar l-importanza tal-hekk imsejħa ħames libertà u fuq il-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-istudenti, l-għalliema u bejn is-settur pubbliku u privat. Għandha ssir ħidma biex jiġu mħeġġa l-iskambji tal-persunal tar-riċerka bejn istituti ta’ riċerka u universitajiet. Pereżempju, l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet operazzjonali għall-clusters ineħħi l-ostakli nazzjonali għall-iffinanzjar tar-riċerka biex b’hekk tinħoloq sistema komuni għall-pajjiżi tal-Baħar Baltiku li tgħaqqad flimkien il-fondi għar-riċerka minn sorsi nazzjonali. B’konformità mal-istrateġija ta’ Liżbona riveduta, kull Stat Membru tal-UE fir-reġjun tal-Baħar Baltiku għandu jaħdem biex iżid il-proporzjon ta’ nfiq tiegħu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għal tlieta fil-mija tal-prodott gross domestiku.

4.2.5.3.   Il-komunitajiet xjentifiċi u ta’ riċerka tat-tmien pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku li huma Stati Membri tal-UE kienu parteċipanti attivi fil-proġetti BONUS ERA-NET. Fl-2008, bħala parti mis-seba’ programm qafas għar-riċerka, il-Kummissjoni approvat il-Programm Programm ta’ Riċerka Konġunt tal-Baħar Baltiku (BONUS+), li huwa ffinanzjar mill-UE flimkien ma’ korpi nazzjonali ta’ ffinanzjar għar-riċerka mill-istati ta’ max-xatt Baltiku. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni il-ħolqien ta’ dan il-programm ġdid ta’ riċerka permanenti tal-Baħar Baltiku u jittama b’mod partikolari li r-riżultati tiegħu jħallu impatt akbar fuq il-ħarsien tal-Baħar Baltiku u fuq l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun minn dak li deher s’issa.

Mobilità tal-ħaddiema

4.2.6.1.   Għalkemm issa għaddew ħames snin mit-tkabbir tal-UE fir-reġjun, il-moviment ħieles tal-ħaddiema fiż-żona tal-UE għadu ma nkisibx. Madankollu, mit-30 ta’ Marzu 2008 ’l quddiem, l-Istati Membri kollha tal-Baħar Baltiku tal-UE ġew koperti mid-dispożizzjonijiet tax-Schengen li jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-persuni. Il-KESE jemmen li l-perjodi ta’ tranżizzjoni għall-moviment ħieles tal-ħaddiema għandhom jispiċċaw. Il-moviment tal-ħaddiema u l-għarfien minn pajjiż għall-ieħor, l-hekk imsejħa “ċirkolazzjoni tal-imħuħ”, huwa ta’ ġid għal kulħadd. Biex ikollu ħaddiema kwalifikata disponibbli, ir-reġjun kollu tal-Baħar Baltiku jrid jadotta minnufih politika ta’ integrazzjoni bbażata fuq l-impjiegi. Dan huwa meħtieġ anki jekk fi żmien ta’ riċessjoni ekonomika, il-provvista ta’ ħaddiema fiż-żona x’aktarx li tikber għal xi żmien. Għandha ssir ukoll ħidma biex ikompli jiġi mħeġġeġ it-tqabbil ta’ postijiet tax-xogħol mal-impjegati. Jeħtieġ li l-kulturi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol jiġu armonizzati sabiex ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali tal-impjegati. F’dak li għandu x’jaqsam mat-taħriġ tan-nies għas-suq tax-xogħol, il-mira trid tkun li tinħoloq struttura komuni għat-taħriġ professjonali u lista ta’ kwalifiki professjonali. Għad fadal ħafna xi jsir fir-reġjun Baltiku kollu fil-promozzjoni ta’ inċentivi għax-xogħol u l-iffaċilitar tal-moviment minn post għal ieħor jew minn pajjiż għal ieħor.

4.2.6.2.   In-Netwerk tax-Xogħol tal-Baħar Baltiku (BSLN) għadu kif beda proġett konġunt ta’ tliet snin li jinvolvi għexieren ta’ msieħba li qed jieħdu sehem mill-pajjiżi differenti fir-reġjun. Għandu l-għan li jagħmel mir-reġjun tal-Baħar Baltiku mudell Ewropew ta’ politika tas-suq tax-xogħol transkonfinali kif ukoll post attraenti biex taħdem, tgħix u tinvesti fih. In-netwerk tat-trejdunjins tal-Baħar Baltiku (BASTUN) huwa wieħed mill-imsieħba ewlenin fl-implimentazzjoni tal-proġett tal-BSLN (10).

5.   Nagħmlu mill-Baħar Baltiku reġjun ta’ żvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ambjent

5.1.   L-għan huwa li r-reġjun tal-Baħar Baltiku jsir żona ekoloġikament sostenibbli. Il-Baħar Baltiku huwa baċir relattivament żgħir u baxx ta’ ilma salmastru, li mil-lat ekoloġiku, jagħmlu eċċezzjonalment vulnerabbli.

5.2.   Matul dawn l-aħħar għoxrin sena l-kundizzjoni tal-Baħar Baltiku marret għall-agħar b’mod li joħloq tħassib. Il-kwantità ta’ rimi ta’ skart fih għadha mhux sostenibbli. L-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku u l-livelli għoljin tiegħu ta’ tossiċi ambjentali jfissru li l-livelli ta’ nutrijenti, il-frekwenza ta’ alka u flora oħra qed jogħlew. Iż-żieda fl-alka tinħoloq direttament mil-livelli għoljin ta’ nitroġenu u fosfru, in-nutrijenti ewlenin tagħha.

5.3.   ’Il fuq minn 85 miljun ruħ jgħixu fl-inħawi tad-dranaġġ tal-Baltiku u qed jindunaw dejjem aktar bil-qagħda inkwetanti ta’ din iż-żona. Madankollu, l-isfida wara t-teħid ta’ miżuri biex jiġi mħares il-Baltiku tinsab fil-fatt li hemm disa’ pajjiżi fi stadji differenti ta’ żvilupp fuq ix-xatt tal-Baltiku u madwar tużżana, fosthom ir-Repubblika tal-Belarus u l-Ukrajina, li jinsabu fiż-żona tad-dranaġġ. Dan wassal biex il-kordinazzjoni tal-ħidma bejn l-atturi interessati differenti tkun diffiċli. Il-KESE jemmen li l-kundizzjoni allarmanti tal-Baltiku mingħajr dubju titlob li jittieħdu malajr miżuri transkonfinali effettivi (11).

5.4.   Il-KESE jemmen li l-iktar mod mgħaġġel u kosteffettiv biex titjieb il-kundizzjoni sħiħa tal-Baltiku huwa li l-agħar sorsi ta’ tniġġis jiġu ttrattati f’livell tassew lokalizzat. Fil-Golf tal-Finlandja, pereżempju, l-agħar sors waħdieni ta’ tniġġis hija l-belt ta’ San Pietruburgu, li għadha mhux qed tagħmel biżżejjed biex tneħħi n-nutrijenti mill-ilma tar-rimi tagħha. Minkejja dan, sar progress sinifikanti. Fl-ikbar impjant tat-trattament tad-dranaġġ, li nħoloq fl-2007, it-tnaqqis kimiku tal-fosfru fl-ilma tar-rimi għenet biex jonqos b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-fosfru u l-proliferazzjoni tal-alka fil-Golf tal-Finlandja. B’mod partikolari, jeħtieġ li l-emissjonijiet li jaħarbu mill-agrikoltura jiġu ttrattati aħjar fl-istati kostali kollha tal-Baltiku. Jekk dawn jitnaqqsu l-kundizzjoni tal-ilmijiet kostali tkun qed tittejjeb b’mod sinifikanti.

5.5.   Il-KESE jqis li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Baħar Baltiku (BSAP) HELCOM (12) huwa l-aktar strument importanti biex titwaqqaf l-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku. L-istati kostali kollha tal-Baltiku u l-Kummissjoni ffirmaw dan il-ftehim fl-2007.

6.   Enerġija u sigurtà marittima

6.1.   Il-KESE ħejja opinjoni separata dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE (13) li tgħid li l-UE tagħti importanza partikolari lill-kwistjonijiet ta’ enerġija li fiha l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Il-kooperazzjoni fl-enerġija fir-reġjun tkopri primarjament il-pajjiżi li huma konsumaturi tal-enerġija u l-pajjiżi ta’ tranżitu tal-enerġija. Il-fattur ewlieni hija l-konnessjoni mar-Russja. Prijorità partikolari għar-reġjun Baltiku għandha tkun il-ħolqien ta’ ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja (Il-Ftehim il-Ġdid UE/Russja) bbażat fuq il-prinċipji ta’ reċiproċità u fehma reċiproka, li wkoll ikopri kwistjonijiet ta’ enerġija. Ir-Russja għandha tħalli t-tranżitu tal-gass fin-netwerk tagħha u tħalli l-kumpaniji Ewropej jinvestu fl-iżvilupp tan-netwerks ta’ enerġija u s-sorsi ta’ enerġija tagħha.

L-ekosistema fraġli tal-Baħar Baltiku, li diġà hija mniġġsa ħafna, tfisser li l-proġett ippjanat tan-Nord Stream ta’ sistema tal-pajpijiet għall-gas Baltika jrid jissodisfa rekwiżiti stretti ambjentali u ta’ sigurtà. Pereżempju, wara t-Tieni Gwerra Dinjija tpoġġew fil-qiegħ tal-Baħar Baltiku munizzjonijiet u armi kimiċi. Il-koordinati preċiżi fejn dawn jinsabu huma sigriet, u m’hemmx informazzjoni dwar il-post preċiż fejn jinsabu u l-istat tagħhom. Il-KESE japprova r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (14) tat-8 ta’ Lulju 2008 u jirrakkomanda bil-qawwa li l-partijiet interessati fil-proġett Nord Stream jivverifikaw b’attenzjoni jekk hemmx passaġġi alternattiva, b’mod partikulari fuq l-art. Independentement mill-ġejjieni ta’ dan il-proġett, anke r-Russja trid tħares mingħajr kundizzjonijiet il-qafas legali tas-suq tal-gass tal-UE, inkluż l-aċċess għal partijiet terzi.

6.2.1.   Is-sigurtà marittima hija kawża partikolari għal tħassib għall-istati ta’ max-xatt tal-Baltiku. Sfida ambjentali partikolari hija l-ammont ta’ żejt li jinġarr fuq il-Baltiku li żdied b’seba’ darbiet tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Fl-2007 l-ammont ta’ żejt li nġarr fuq il-Baltiku kien 145 miljun tunnellata u dan huwa mistenni li jiżdied għal 240 miljun tunnellata sal-2015. Din il-kooperazzjoni bejn l-istati ta’ max-xatt tal-Baltiku wasslet biex l-Organizzazzjoni Marittima Nazzjonali sejħet lill-Baħar Baltiku żona tal-baħar partikolarment sensittiva (PSSA). Bastimenti b’qigħan doppji u bwieq doppji, li ser ikunu mandatorji mill-2010 ’l quddiem, għandhom jgħinu biex jevitaw it-tixrid taż-żejt. Minkejja dan, il-KESE jħeġġeġ il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar Baltiku biex jiżviluppaw sistema konġunta ta’ monitoraġġ u skambju ta’ informazzjoni biex ikomplu jħeġġu s-sigurtà marittima.

6.2.2.   L-emissjonijiet ta’ nutrijenti mill-vapuri jistgħu jitnaqqsu billi jitbiddlu r-rekwiżiti għall-ilma tar-rimi f’anness IV tal-konvenzjoni MARPOL. L-għan tad-Direttiva 2000/59/KE kienet li żżid il-faċilitajiet fil-portijiet biex jirċievu ilma tas-sentina u tar-rimi ġġenerat mill-vapuri. Għandha tkompli tiġi mħeġġa l-azzjoni volontarja biex jitnaqqas ir-rimi ta’ ilma ħażin, pereżempju, billi jiżdied in-numru u l-volumi ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet. Il-portijiet tal-Baħar Baltiku jridu wkoll jagħmlu ċert li l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tagħhom jkunu flessibbli u ħfief biżżejjed biex jieħdu ħsieb vapuri kbar tal-kruċieri (15).

6.3.   Għalkemm l-ewtrofikazzjoni tal-Baltiku mhijiex milquta b’mod sinifikanti mir-rimi mill-vapuri, dan huwa eħfef biex jitnaqqas mill-emissjonijiet li jaħarbu, u għalhekk ma għandux jintesa.

7.   Tnaqqis ta’ emissjonijiet agrikoli

7.1.   Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Baħar Baltiku tal-HELCOM jistipula miri minimi ċari ta’ tniġġis għal kull pajjiż fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Biex jintlaħqu dawn il-miri jeħtieġ li l-UE tiżviluppa ċerti elementi tal-politika agrikola komuni fejn jitqiesu wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-produzzjoni agrikola u l-ambjent tar-reġjun tal-Baħar Baltiku (16).

Għalhekk huwa siewi li, fl-abbozz tal-pjan ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni b’mod ġenerali qieset il-proposti tal-għaqdiet tal-bdiewa tal-pajjiżi Baltiċi dwar is-sostenibbiltà, l-ambjent u l-agrikoltura. Fost l-oħrajn, dawn jikkonċentraw aktar fuq l-azzjoni marbuta mat-tekonoloġija ambjentali, il-konsultazzjoni, il-ġestjoni tad-demel u l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-pestiċidi, l-għalf u l-ikel.

Hawnhekk il-kooperazzjoni bejn l-atturi u l-organizzazzjonijiet fl-Istati Membri bħalma huma l-produtturi agrikoli, l-organizzazzjonijiet ambjentali u l-konsumaturi hija ta’ importanza partikolari. Huwa vitali għaż-żona li jintlaħaq ftehim dwar l-aħjar prattika sabiex tiġi applikata u tixxerred fil-pajjiżi differenti. Prattiki li jistgħu jiġu applikati sistematikament minn atturi differenti għandha ssir applikazzjoni għalihom mill-programmi ta’ żvilupp agrikolu fil-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni. Bl-istess mod, għandhom jinstabu metodi li jtejbu l-użu tal-fertilizzanti u tal-enerġija (17).

8.   It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fosfru u n-nitroġenu permezz ta’ trattament aktar effiċjenti tal-ilma tar-rimi

8.1.   Il-KESE jemmen li l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva tal-UE dwar it-trattament tal-ilma tar-rimi urban (18) hija l-iktar pass importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ nitroġenu u fosfru. Miżura importanti oħra għat-tneħħija aktar effiċjenti tal-fosfru hija l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-HELCOM 28E/5. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ żmien attwali tal-UE huma wisq ġenerużi meta titqies il-qagħda allarmanti tal-Baħar Baltiku. Jeħtieġ li jkun hemm miri aktar ambizzjużi. Il-KESE jsostni li għandha tittejjeb l-effiċjenza ta’ dawn il-proċessi ta’ trattamenti tekniċi u kimiċi; huma pjuttost kosteffettivi u jħallu riżultati malajr.

8.2.   Il-Fondazzjoni John Nurminen hija eżempju tajjeb ta’ kif is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tieħu azzjoni biex tħares l-ambjent tal-Baħar Baltiku. L-għan ewlieni tal-proġett tal-Fondazzjoni John Nurminen għal Baħar Baltiku nadif huwa li titwaqqaf l-ewtrofikazzjoni tiegħu u li l-pubbliku jsir aktar konxju dwar il-kundizzjoni tal-Baltiku (19). L-attenzjoni ewlenija qed tingħata lill-miżuri li jolqtu lill-ambjent naturali u l-valuri ta’ utilità tal-Baħar Baltiku bl-aktar mod rapidu u kost-effettiv. Id-donazzjonijiet jiffinanzjaw miżuri bħat-titjib fit-tneħħija kimika tal-fosfru mill-ilma tar-rimi muniċipali destinat għall-Baħar Baltiku. Il-vantaġġ li gawdiet minnu l-fondazzjoni bħala attur attiv fil-ħarsien tal-ambjent jiġi wkoll mill-fatt li hija organizzazzjoni mingħajr profitti, u li hija flessibbli u ħielsa minn irbit burokratiku.

8.3.   Il-KESE jemmen li inizjattivi ta’ ċittadinanza attiva jistgħu jaqdu rwol sinifikanti anki f’oqsma li s-soltu jieħu ħsiebhom is-settur pubbliku. Jidher ċar li l-għarfien, it-tagħrif u l-approċċ ipprovduti mis-setturi privati u terzi jistgħu jikkomplimentaw il-miżuri li jieħu s-settur pubbliku.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  F’din l-opinjoni, ir-Reġjun Baltiku jfisser l-istati bi xtut li jagħtu għall-Baħar Baltiku: il-Finlandja, l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Russja. Dawn kollha, minbarra r-Russja, huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(2)  L-ewwel round table inżammet fi Stokkolma fit-30 ta’ Settembru 2008 u t-tieni ser issir f’Rostock fil-5 u s-6 ta’ Frar 2009. Barra minn hekk ser isiru round tables f’Kaunas fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2008, Gdansk fit-13 ta’ Novembru 2008, Kopenħagen fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2008 u Ħelsinki fid-9 ta’ Diċembru 2008. Il-konsultazzjoni bl-Internet saret bejn it-3 ta’ Novembru u t-31 ta’ Diċembru 2008.

(3)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 91.

(4)  Il-KESE ħoloq netwerk ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali u istituzzjonijiet simili fir-reġjun Ewro-Mediterranju fl-1995 fuq il-bażi ta’ mandat mogħti lilu mid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona.

(5)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 144.

(6)  Ir-raba’ edizzjoni tal-istħarriġ dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi: www.eurochambres.eu

(7)  L-Assoċjazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ Ewropej tal-Kummerċ u l-Industrija

(8)  http://ec.europa.eu/transport/infrastructure/consultations/2009_04_30_ten_t_green_paper_en.htm

(9)  Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, Transition Report 2005: Business in Transition and World Bank (2008), Macroeconomics and Growth Research Program/Investment Climate and the Microeconomics of Growth/Institutions and Governance. Ara wkoll: http://www.enterprisesurveys.org/ dwar il-kundizzjonijiet tal-klima kummerċjali f’bosta pajjiżi.

(10)  Fost l-imsieħba nsibu organizzazzjonijiet ċentrali tal-impjegati, federazzjonijiet internazzjonali tal-impjegati, il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku (CBSS), organizzazzjonijiet ċentrali ta’ min iħaddem u l-Istitut Ġermaniż għall-Politika Soċjali u tat-Taħriġ.

(11)  http://www.wwf.fi/wwf/www/uploads/pdf/balticseascorecard2008.pdf

(12)  www.helcom.fi

(13)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8.

(14)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2008 dwar l-impatt ambjentali tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass ippjanata fil-Baħar Baltiku biex tgħaqqad ir-Russja mal-Ġermanja (Petizzjonijiet 0614/2007 u 0952/2006) ((2007/2118(INI)).

(15)  Bl-istess mod, ir-rakkomandazzjoni tal-HELCOM 28E10 (Applikazzjoni tas-sistema li ma jkunx hemm tariffa speċjali għall-iskart iġġenerat mill-vapuri u l-iskart maqbud fix-xbieki tas-sajd fiż-żona tal-Baħar Baltiku) għandha tiġi implimentata bis-sħiħ.

(16)  Għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet għall-ġestjoni integrata tal-baċiri tax-xmajjar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-UE. Għandu jittejjeb il-ħarsien tal-ilma fl-agrikoltura billi tingħata prijorità liż-żoni li huma sensittivi mil-lat ambjentali.

(17)  Biex titnaqqas it-tagħbija agrikola għall-Baħar Baltiku, jinħtieġu innovazzjonijiet fil-politika agrikola kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-miżuri. Eżempju minnhom ta’ kif prattiki ġodda jistgħu jkunu offerti volontarji kompetittivi fi skema agri-ambjentali. Sfond: l-offerti kompetittivi huma miżura volontarja li fiha l-miżuri jiġu kkonċentrati fuq dawk l-oqsma fejn hemm l-ogħla riskju ta’ emissjonijiet ta’ nutrijenti u l-aħjar proporzjon tal-ispiża meta mqabbla mal-effiċjenza. Ibbażati fuq l-offerti, l-awtoritajiet iħallsu lill-bidwi skont il-vantaġġ ambjentali tal-miżuri li jikkonċernaw kull qasam offrut lill-programm, minflok is-sussidji b’rata fissa attwali.

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma tar-rimi urban.

(19)  http://www.johnnurmisensaatio.fi/?lang=en.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-453 sessjoni plenarja tal-KTR fil-13 u t-14 ta’ Mejju 2009

17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/49


L-453 SESSJONI PLENARJA TAL-KTR FIL-13 U T-14 TA’ MEJJU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttivi tal-Kunsill 71/317/KEE, 71/347/KEE, 71/349/KEE, 74/148/KEE, 75/33/KEE, 76/765/KEE, 76/766/KEE u 86/217/KEE dwar il-metroloġija”

COM(2008)801 finali – 2008/0227 (COD)

(2009/C 277/09)

Rapporteur: is-Sur SALVATORE

Nhar id-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttivi tal-Kunsill 71/317/KEE, 71/347/KEE, 71/349/KEE, 74/148/KEE, 75/33/KEE, 76/765/KEE, 76/766/KEE u 86/217/KEE dwar il-metroloġija

COM(2008) 801 finali – 2008/0227 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Salvatore.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevoka d-Direttivi 71/317/KEE, 71/347/KEE, 71/349/KEE, 74/148/KEE, 75/33/KEE, 76/765/KEE, 76/766/KEE u 86/217/KEE dwar is-settur tal-metroloġija u jaqbel mar-raġunijiet għal dan. Wieħed jista’ jgħid li d-direttivi kkonċernati m’għadhomx fl-użu, u m’għadhomx adatti biex jintlaħaq l-għan li għalihom tfasslu, li kien l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tad-diversi kategoriji ta’ strumenti tal-kejl.

1.2.   Il-KESE jieħu nota tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u tal-istudju estern li saru mill-Kummissjoni, li jindikaw li:

a)

fis-setturi koperti mit-tmien direttivi m’hemmx ostakoli għall-kummerċ;

b)

id-direttivi qegħdin jintużaw dejjem inqas billi l-istrumenti msemmija m’għadhomx fl-użu;

c)

il-progress teknoloġiku huwa kkunsidrat fir-regoli internazzjonali u dawk nazzjonali bbażati fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

1.3.   Billi r-regoli nazzjonali applikabbli għas-settur jassiguraw li ma jkunx hemm ostakoli għall-kummerċ, mingħajr rabta mal-applikazzjoni tad-direttivi kkonċernati, il-KESE jispera li ġaladarba jkunu ġew adottati d-direttivi, l-Istati Membri ma jimmodifikawx id-dispożizzjonijiet attwali.

2.   Daħla

2.1.   Is-semplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv fis-seħħ hija azzjoni prijoritarja tal-UE, hekk kif jistipula l-programm “Leġiżlazzjoni aħjar”, li tnieda fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg. L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ssir inqas tqila, tkun tista’ tiġi applikata iktar faċilment u b’hekk tkun iktar effikaċi fil-ksib tal-objettivi stipulati.

2.2.   L-għan ġenerali huwa li jiġi promoss qafas regolatorju Ewropew li jissodisfa l-iktar kriterji leġiżlattivi rigorużi filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

2.3.   Skont dawn il-prinċipji, ir-reviżjoni tal-acquis Komunitarju tieħu x-xeħta ta’ proċess kontinwu u sistematiku li jippermetti lill-istituzzjonijiet leġiżlattivi li jerġgħu jeżaminaw il-leġiżlazzjoni bil-konsiderazzjoni tal-interessi kollha involuti.

2.4.   Il-Kummissjoni tuża r-revoka – bħala metodu ta’ semplifikazzjoni – kull meta l-atti legali jkunu saru irrilevanti jew ma baqgħux jintużaw minħabba l-progress tekniku jew teknoloġiku, l-evoluzzjoni tal-politiki tal-UE, tibdil fl-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati jew l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali.

3.   Kuntest

3.1.   Il-qafas leġiżlattiv tad-Direttivi 71/317/KEE, 71/347/KEE, 71/349/KEE, 74/148/KEE, 75/33/KEE, 76/765/KEE, 76/766/KEE u 86/217/KEE dwar is-settur tal-metroloġija tħejja fis-snin 70 sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment ħieles tal-prodotti fis-suq intern marbutin mad-diversità tar-regoli nazzjonali tas-settur.

3.2.   Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-qafas leġiżlattiv maħluq mit-tmien direttivi tal-KEE dwar il-metroloġija jista’ jitqies bħala antik, billi biż-żmien ir-regoli nazzjonali tas-settur żviluppaw fuq il-bażi ta’ adattament għall-progress tekniku u l-istandards tar-regoli internazzjonali (1). L-użu ta’ klawżoli ta’ rikonoxximent reċiproku ggarantixxa li strumenti tal-kejl bi prestazzjoni simili jiġu aċċettati minkejja l-fatt li tfasslu skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

3.3.   Fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni pubblika u studju estern, il-Kummissjoni nnotat li fis-setturi koperti mid-direttivi msemmija fil-proposta attwali m’hemm l-ebda ostakolu għall-kummerċ. Barra minn hekk, id-direttivi jirreferu għal strumenti li qegħdin jintużaw dejjem inqas.

3.4.   Il-proposta tal-Kummissjoni għal revoka tat-tmien direttivi msemmija hija bbażata fuq ir-rekonċiljazzjoni ta’ żewġ objettivi differenti: it-tnaqqis tal-volum tal-leġiżlazzjoni Ewropea u ż-żamma mingħajr bdil tas-suq intern.

4.   Kummenti

4.1.   Il-proposta tal-Kummissjoni, ivvalutata fid-dawl tal-intenzjoni li jitnaqqas il-piż tal-leġiżlazzjoni Ewropea u li fl-istess waqt ma jkunx hemm tibdil fis-suq intern, hija valida. Fis-settur li għalih japplikaw id-direttivi eżaminati, ir-regolamentazzjoni nazzjonali mfassla skont l-istandards stipulati mir-regoli internazzjonali dwar is-suġġett u bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, hija konformi mal-progress teknoloġiku. Għandha l-istess effett ta’ sistema legali ta’ armonizzazzjoni, bħal dik irrappreżentata mit-tmien direttivi kkonċernati mill-proposta għar-revoka.

4.2.   Ir-revoka tat-tmien direttivi dwar is-settur tal-metroloġija hija konformi mal-istrateġija tal-UE għas-semplifikazzjoni tal-acquis Komunitarju, billi l-atti legali kkonċernati, minħabba l-impatt dgħajjef tagħhom, saru irrilevanti u b’hekk m’għadhomx fl-użu.

4.3.   Ladarba d-direttivi jkunu ġew irrevokati, bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività ta’ sistema bbażata fuq l-istandardizzazzjoni volontarja, il-KESE jikkunsidra li jkun xieraq li jiġu stabbiliti kontrolli regolari tas-sistemi legali nazzjonali b’rabta kemm mat-teknoloġiji l-ġodda kif ukoll mal-qodma.

4.4.   Il-KESE jagħraf u japprezza l-impenn qawwi tal-Kummissjoni fl-involviment tal-partijiet kollha involuti fis-settur li huma affettwati mill-proposta. Dan l-impenn joħroġ fid-dieher mill-konsultazzjoni esterna wiesgħa li saret bejn Mejju u Lulju 2008 bil-għan li jinġabru r-reazzjonijiet tal-produtturi tal-istrumenti tal-kejl, tax-xerrejja, tal-konsumaturi u tal-awtoritajiet.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-dispożizzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali mmirati lejn bażi komuni internazzjonali għall-pajjiżi membri, li fuqha jitfasslu l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi, huma, b’mod partikolari, dawk adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar il-Metroloġija Legali. Imwaqqfa fl-1955 fuq il-bażi ta’ konvenzjoni, bil-għan li tippromovi l-armonizzazzjoni globali tal-proċeduri tal-metroloġija legali, din hija organizzazzjoni intergovernattiva li, permezz ta’ struttura teknika mxerrda madwar id-dinja, tipprovdi lill-pajjiżi membri b’linji gwida metroloġiċi għat-tfassil ta’ rekwiżiti reġjonali u nazzjonali dwar l-iżvilupp u l-użu ta’ strumenti tal-kejl għall-applikazzjonijiet tal-metroloġija legali.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi”

COM(2008) 543 finali – 2008/0211 (COD)

(2009/C 277/10)

Rapporteur: is-Sur ADAMS

Nhar it-12 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi

(COM(2008) 543 finali – 2008/0211 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’173 vot favur, 14-il vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ din id-Direttiva li jmissha ilha li tħejjiet u li ser tistandardizza u tirregolarizza l-għażla, l-użu u t-trattament tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi. Madanakollu huwa jinsab imħasseb dwar kemm din id-Direttiva, fil-prattika, ser tieħu post, tnaqqas u tirfina l-użu tal-annimali għar-riċerka. Għalhekk, fost ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fit-test prinċipali, il-Kumitat jixtieq jenfasizza dawn li ġejjin.

1.2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja aktar mill-qrib in-numru ta’ annimali użati għal għanijiet xjentifiċi. Dan jista’ jirrikjedi metodi tal-ġbir u l-monitoraġġ tad-data ġodda u speċifiċi għal kull settur. Uħud minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva.

1.3.   Id-Direttiva għandha tistipula l-armonizzazzjoni tar-reviżjoni tal-proċeduri ta’ riċerka fl-Istati Membri u tippreċiża li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jkollhom bażi ta’ data dwar l-esperimenti li qed isiru fuq l-annimali u japplikawha b’mod effettiv fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-proġetti u l-proċeduri.

1.4.   Ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta’ Metodi Alternattivi (ECVAM) għandu jiġi żviluppat b’tali mod li jibda jaqdi rwol ċentrali fil-koordinazzjoni aktar milli jappoġġja r-riċerka biss. Għandu jitwaqqaf Ċentru tal-Eċċellenza tal-UE li jippromovi u jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodi tat-3Rs f’kull qasam li juża l-annimali, inkluż fir-riċerka medika bażika. Is-sostituzzjoni, it-tnaqqis u r-raffinament tal-użu tal-annimali fir-riċerka – l-approċċ ġenerali hekk kif tfisser għall-ewwel darba fl-1958.

1.5.   L-esperimenti “severi” għandhom jitqiesu b’attenzjoni speċjali u għandu jsir sforz sabiex nidentifikaw alternattivi inqas krudili. L-esperimenti li jistgħu jikkawżaw uġigħ kbir, tbatija jew biża’ għandhom isiru biss jekk ma jkunux jeżistu alternattivi jew metodi ta’ riċerka effettivi oħrajn li jippermettu r-riċerka fuq ċertu mard li jolqot saħħet-il bniedem serjament. “Uġigħ kbir” ifisser tbatija u biża’ogħla mill-livell iklassifikat bħala “sever”, fil-kategoriji ta’ severità tad-Direttiva.

1.6.   Kemm jista’ jkun malajr, id-Direttiva għandha titlob li l-primati mhux umani li jistgħu jintużaw fl-esperimenti għandhom ikunu l-wild ta’ primati mhux umani li trabbew għal dawn il-finijiet.

1.7.   Id-Direttiva għandha tistqarr biċ-ċar li mhix ser tillimita d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jadottaw miżuri aktar stretti għall-kura jew iż-żamma tal-annimali tal-laboratorju.

1.8.   Il-KESE jitlob lill-komunità xjentifika biex tagħraf li l-programmi ta’ riċerka tagħha, kemm fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika, jistgħu jkunu kompatibbli mal-għanijiet tat-3Rs u biex timpenja ruħha lejn dan l-approċċ dinamiku.

2.   Daħla

2.1.   Il-benesseri u l-protezzjoni tal-annimali, kemm jekk ikunu domestiċi jew tal-irziezet, huma indirizzati f’bosta direttivi, deċiżjonijiet u regolamenti tal-UE. Il-Protokoll 33 dwar il-Benesseri tal-Annimali (1) mehmuż mat-Trattat ta’ Amsterdam stqarr ix-xewqa li niżguraw “it-titjib tal-protezzjoni u r-rispett tal-benesseri tal-annimali bħala ħlejjaq senzjenti”. L-UE b’hekk tagħraf li l-annimali mhumiex sempliċement proprjetà jew oġġett u li l-mod ta’ kif nittrattawhom għandu jikkonforma ma’ kunsiderazzjonijiet etiċi u jkun soġġett għal regolamentazzjoni. L-annimali superjuri għandhom dan l-istatus għax bħalna jesperjenzaw l-uġigħ u l-gost, huma konxji mill-eżistenza tagħhom u jippreferu jgħixu ħajja serena u twila. Bosta speċijiet ta’ annimali b’sistemi newroloġiċi simili għal tal-bniedem huma spiss użati fl-esperimenti laboratorji għal diversi għanijiet. Mir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jistgħu jibbenefikaw, fuq gradi differenti, il-bnedmin, l-annimali u l-ambjent. Madanakollu xi drabi dawn l-esperimenti jistgħu jġibu magħhom tbatija, sofferenza u xi drabi anki mewt għall-annimali konċernati.

2.2.   Din id-Direttiva tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-1986 (2) u tista’ titqies bħala waħda minn sensiela ta’ direttivi li jirriflettu fehmiet ġodda dwar l-użu tal-annimali. Reċentement il-Kumitat indirizza r-reviżjonijiet li saru dan l-aħħar fuq id-direttivi li jittrattaw il-qtil u t-trasportazzjoni tal-annimali u l-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali (3). Matul din is-sena daħlu fis-seħħ il-projbizzjoni kważi totali tal-bejgħ tal-prodotti kosmetiċi ttestjati fuq l-annimali u l-projbizzjoni sħiħa tal-ittestjar fuq l-annimali relatat mal-kosmetiċi (4).

2.3.   Din il-proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi tagħmel parti minn din il-leġiżlazzjoni. Hija tilqa’ bis-sħiħ l-għan ġenerali li tħaddan fil-prinċipju l-komunità xjentifika globali, li tisostitwixxi, tnaqqas u tirfina l-użu tal-annimali fir-riċerka (it-3Rs). L-opinjoni tal-Kumitat teżamina jekk il-proposta hux ser tikkontribwixxi għal dan l-għan u kemm toħloq bilanċ bejn il-benesseri tal-annimali, il-benefiċċji għall-bniedem u l-progress xjentifiku.

3.   Sommarju tal-proposta għal Direttiva

3.1.   Ambitu tal-applikazzjoni u għanijiet awtorizzati

3.1.1.   Id-Direttiva tapplika għall-annimali (ħafna drabi vertebrati) imrobbija jew użati għal għanijiet xjentifiċi. Hija teskludi l-prattiki agrikolturali, tat-trobbija tal-annimali u l-veterinarji. Il-proċeduri jistgħu jitwettqu għal għanijiet ta’ riċerka bażika għall-iżvilupp tal-għarfien fix-xjenza bijoloġika jew fix-xjenza tal-imġiba; riċerka għall-evitar, id-dijanjożi preventiva u t-trattament ta’ mard jew għall-valutazzjoni, l-individwazzjoni, ir-regolamentazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-kundizzjonijiet fiżjoloġiċi; l-iżvilupp, il-manifattura jew l-ittestjar ta’ prodotti farmaċewtiċi, alimentari jew prodotti oħra li jkollhom xi wieħed mill-għanijiet li għadna kemm semmejna; il-protezzjoni tal-ambjent naturali fl-interessi tas-saħħa tal-benesseri tal-bniedem; ir-riċerka intenzjonata għall-preservazzjoni tal-ispeċijiet; it-tagħlim jew it-taħriġ avvanzat u l-inkjesti forensiċi.

3.2.   L-ispeċijiet ta’ annimali

3.2.1.   Il-primati għandhom ikunu trabbew għar-riċerka u għandhom jintużaw biss fi proċeduri li jitwettqu “bil-ħsieb li jiġu evitati, ipprevenuti, iddijanjostikati jew ittrattati l-kundizzjonijiet kliniċi li jistgħu jdgħajfu jew ipoġġu l-ħajja tal-bniedem fil-periklu tal-mewt”. L-użu tax-xadini kbar huwa projbit minkejja li teżisti proċedura ta’ “salvagwardja” li tippermetti lill-Istati Membri li bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, jawtorizzaw l-użu tagħhom għal riċerka li hija kkunsidrata essenzjali għall-preservazzjoni tal-ispeċijiet jew f’każ li jfaqqgħu kundizzjonijiet kliniċi mhux mistennija li jistgħu jpoġġu l-ħajja tal-bniedem fil-periklu tal-mewt. L-ispeċijiet li huma fir-riskju jistgħu jintużaw biss għar-riċerka u l-ittestjar adattati jew applikati iżda mhux għar-riċerka bażika. L-annimali maħrubin u slavaġ ta’ speċijiet domestiċi ma jistgħux jintużaw u l-anqas ma jistgħu jinqabdu annimali mis-selvaġġ sa kemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni xjentifika speċifika. L-ispeċijiet tal-laboratorji (ġrieden, firien, ġerbills, ħamsters, fniek tal-Indi, żrinġijiet, klieb, qtates) għandhom ikunu trabbew speċifikament għal dak il-għan.

3.3.   Is-severità tal-proċeduri

3.3.1.   Jeżistu erba’ kategoriji ta’ severità. Kategorija ħafifa, moderata, severa jew mingħajr irkupru (jiġifieri maqtula waqt li l-annimal ikun għadu taħt anestesija ġenerali). Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu adottati minn kumitat regolatorju. Dawn il-kriterji huma rilevanti għall-miżuri ta’ kura u benesseri li għandhom jittieħdu u għall-użu ripetut tal-annimali għall-ittestjar u japplikaw xi restrizzjonijiet f’dan il-qasam.

3.4.   L-awtorizzazzjoni

3.4.1.   Il-persuni li jwettqu s-superviżjonijiet jew il-proċeduri, il-qtil b’metodu anqas krudili u s-superviżjoni ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-annimali jeħtieġu awtorizzazzjoni. L-istituzzjonijiet jirrikjedu awtorizzazzjoni għat-trobbija, il-forniment u l-użu tal-annimali fil-proċeduri. Il-persunal awtorizzat għandu jkun responsabbli mill-proġetti u jindirizza każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli. Kull istituzzjoni għandu jkollha l-entità permanenti għall-analiżi etika tagħha. Awtorizzazzjoni ta’ proġetti sa 4 snin jistgħu jingħataw minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru abbażi ta’ evalwazzjoni trasparenti u etika li tinkludi ġustifikazzjoni xjentifika jew legali tal-proġett; l-applikazzjoni tal-metodi tat-3Rs fl-ippjanar tal-proġett; is-severità tal-proċeduri involuti u analiżi tal-ħsara u l-benefiċċji tal-proġett. (L-użu tal-annimal u t-tbatija li jgħaddi minnha jiġġustifikaw l-iżvilupp xjentifiku mistenni għall-ġid tal-bnedmin, l-annimali jew għall-ambjent?).

3.4.2.   Is-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti għandhom jiġu ppubblikati fl-applikazzjoni għall-proġetti awtorizzati kollha. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw sistema ta’ proposta għal proġett imnaqqas (li ma jinkludix sommarji bħal dawn) għal kwalunkwe proġett li jinvolvi primati mhux umani u li juża proċeduri “moderati”.

3.5.   Il-kura u l-ispezzjoni

3.5.1.   Il-linji gwida tal-Konvenzjoni Ewropea għall-ħarsien tal-annimali vertebrati użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet xjentifiċi oħra; (Kunsill tal-Ewropa, Sensiela tat-Trattati Ewropej – Nru 123) dwar iż-żamma u l-kura tal-annimali tal-laboratorji (ETS 123) ser isiru rekwiżiti obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita infrastruttura adegwata b’għadd suffiċjenti ta’ spetturi mħarrġa biex iwettqu l-ispezzjonijiet. Kull stabbiliment għandu jiġi spezzjonat mill-inqas darbtejn fis-sena minn awtorità nazzjonali. Mill-inqas, waħda mill-ispezzjonijiet għandha ssir għall-għarrieda u l-istabbilimenti l-kbar għandhom jiġu spezzjonati aktar spiss. Teżisti dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li tagħmel kontrolli tal-infrastruttura u l-funzjonament tal-ispezzjonijiet nazzjonali. Għandhom jinżammu reġistri dwar il-provenjenza, l-użu, it-tqegħid tagħhom fi djar jew ir-rimi tal-karkassi tal-annimali b’dispożizzjonijiet oħra għall-klieb, il-qtates u l-primati mhux umani.

3.6.   Metodi alternattivi

3.6.1.   Id-data ta’ Stat Membru dwar il-metodi tal-ittestjar li hija mitluba bil-liġi għandha tiġi aċċettata fl-Istati Membri kollha sabiex nevitaw ir-ripetizzjoni tal-proċeduri. Kull Stat Membru għandi jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi alternattivi li ma jinvolvux l-annimali u għandu jkollu laboratorju nazzjonali ta’ referenza għat-tisħiħ tal-metodi alternattivi. Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi u tikkoordina l-prijoritajiet ta’ ħidma tal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza b’konsultazzjoni mal-Istati Membri. Fejn jeżisti metodu tal-ittestjar li ma jinvolvix l-użu tal-annimali u fejn dan jista’ jintuża minflok proċedura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jużaw lilu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ammont ta’ annimali li jintużaw fil-proġetti jitnaqqas għall-minimu tiegħu mingħajr ma’ jikkompromettu l-għanijiet tal-proġett.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Minkejja li d-data disponibbli dwar l-esperimentazzjoni fuq l-annimali dejjem takkumula, l-ammont ta’ annimali li jintużaw fil-laboratorji dan l-aħħar żdied u huwa stmat għal minimu ta’ 12-il miljun fl-Ewropa. Ta’ min jinnota li l-annimali l-oħra li jitrabbew għall-użu, iżda ma jintużawx u jinqerdu, u l-annimali li jitrabbew u jinqatlu sabiex jintuża t-tessut tagħhom għall-esperimenti mhumiex inklużi fil-figuri. L-ammont ta’annimali użati inġabar fi proċess volontarju u ġie ppublikat mill-Kummissjoni: Il-Ħames Rapport dwar l-Istatistika fuq l-għadd tal-annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 5.11.2007. Eżempju: L-annimali gerriema u l-fniek jirrappreżentaw 77,5 %, l-għasafar 5,4 % u l-primati mhux umani 0,1 % tal-annimali użati kollha. Din iż-żieda ġejja mit-tendenza tar-riċerkaturi li jużaw annimali mmodifikati ġenetikament fl-esperimenti u għar-rekwiżiti tal-ittestjar legali l-ġodda – pereżempju fil-qafas tal-leġiżlazzjoni REACH (5). L-organizzazzjonijiet inkarigati mill-benesseri tal-annimali jinsabu mħassba dwar l-impatt ġenerali tar-Regolament REACH fuq l-ittestjar tal-annimali li ser jirriżulta f’żieda fl-ammont ta’ annimali użati. Oħrajn bħal pereżempju l-WWF (http://www.wwf.org.uk/filelibrary/pdf/aniamltesting03.pdf) stqarrew li fuq perijodu fit-tul, il-benefiċċji ambjentali għall-fawna għandhom vantaġġi sinifikanti.

4.2.   Korpi tar-riċerka bijomedikali qajmu bosta kwistjonijiet ta’ kjarifika dwar id-Direttiva proposta. Il-kwistjonijiet prinċipali jikkonċernaw iż-żieda fl-amministrazzjoni u l-burokrazija, il-fatt li d-Direttiva tista’ tnaqqas id-dritt tal-protezzjoni tar-riċerka kunfidenzjali u l-opportunità li tipprovdi għal iktar aċċess għall-informazzjoni u l-proċeduri mill-gruppi ta’ pressjoni. Dawk li jużaw l-annimali fl-esperimenti ħafna drabi jesprimu frustrazzjoni li l-pubbliku u l-gruppi ta’ pressjoni ma jagħrfux li l-ittestjar ħafna drabi jkun l-aħħar għażla tagħhom kemm għax jiswa l-flus kif ukoll għax huwa etikament ambivalenti. Il-Kumitat jemmen li l-industrija tar-riċerka sa ċertu punt tista’ tiddefendi kull każ li semmejna iżda l-kwistjonijiet diġà ġew indirizzati kompletament hija u titfassal id-Direttiva.

4.3.   Fl-aħħar mill-aħħar il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn sostituzzjoni tal-annimali. L-ittestjar fuq l-annimali jqum ħafna flus u jieħu ż-żmien għalhekk metodi alternattivi fil-ġejjieni ser iġibu magħhom opportunitajiet kummerċjali ġodda.

4.4.   Il-KESE huwa tal-fehma li d-Direttiva ma tirreferix għall-progress li sar fil-qasam tal-ittestjar li ma jużax annimali. Fid-dawl tal-fatt li ma teżistix bażi legali li skontha l-Kummissjoni tista’ titlob l-armonizzazzjoni tar-reviżjoni tal-proċeduri ta’ riċerka fl-Istati Membri, il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar kemm huwa possibbli li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru jkollhom bażi ta’ data dwar l-esperimenti li qed isiru fuq l-annimali u japplikawha b’mod effettiv fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-proġetti u l-proċeduri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak kollu li huwa fil-poter tagħha sabiex tiżgura li l-korpi nazzjonali responsabbli mill-awtorizzazzjoni u ċ-ċentri nazzjonali tat-tisħiħ tal-metodi alternattivi jkunu konxji mill-attivitajiet tal-kontropartijiet tagħhom u għandhom jiżviluppaw approċċi konġunti sabiex jiskoraġġixu d-distorsjoni tas-suq intern.

4.5.   Il-pubbliku ta’ xi Stati Membri huwa pjuttost interessat fil-kwistjoni tal-ittestjar fuq l-annimali u huwa sensittiv għaliha. Il-KESE jemmen li billi nnaqqsu t-tbatija tal-annimali nkunu qed nirriflettu x-xewqat tal-maġġoranza filwaqt li fl-istess ħin naċċettaw li l-ittestjar fuq l-annimali kultant huwa bżonjuż għall-ġid aħħari ta’ kulħadd.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Il-Kumitat jagħraf li d-Direttiva proposta tista’ tnaqqas l-ammont ta’ annimali li jintużaw għall-esperimenti u ttejjeb il-benesseri tal-annimali involuti. Filwaqt li l-għan fuq perijodu fit-tul għandu jkun it-tnaqqis tal-ammont tal-annimali li jintużaw għall-esperimenti, it-twaqqif ta’ miri speċifiċi jista’ jkollu l-effett kontroproduttiv li jibgħat l-użu regolat f’pajjiżi oħra. Madanakollu l-Kummissjoni għandha ssib mezzi ta’ kif timmonitorja l-ammont ta’ annimali użati u jekk hemm bżonn tirrevedi l-approċċ tagħha. Dan jista’ jirrikjedi metodi tal-ġbir u l-monitoraġġ tad-data ġodda u speċifiċi għal kull settur. Uħud minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva.

5.2.   L-attività attwali tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp tal-alternattivi hija kkonċentrata fuq it-tossikoloġija li tkopri inqas minn 10 % tal-ittestjar fuq l-annimali. Hemm bżonn ta’ approċċ pan-Ewropew fil-qasam tal-iżvilupp tal-alternattivi fis-setturi kollha tar-riċerka li jagħmlu użu mill-annimali (Artikoli 44–47) filwaqt li nagħrfu li l-koordinazzjoni ta’ dan l-approċċ ser tkun kompitu kbir. Sabiex inżidu l-alternattivi ser ikollna bżonn l-isforz tal-gruppi multidixxiplinarji xjentifiċi u tal-leġiżlaturi u aktar appoġġ għaċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta’ Metodi Alternattivi (ECVAM), li waqqfet l-UE fl-1991, u ċentri Ewropej u nazzjonali oħra. Ir-rwol tal-ECVAM għandu jiġi żviluppat b’tali mod li jibda jaqdi rwol fil-koordinazzjoni aktar milli jagħti appoġġ għar-riċerka biss. Barra minn hekk il-Kumutat jipproponi li jitwaqqaf Ċentru tal-Eċċellenza tal-UE li jippromovi u jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodi tat-3Rs fl-oqsma kollha li jagħmlu użu mill-annimali inkluża r-riċerka medika bażika. Dan l-ambitu jkun usa’ mill-ambitu tal-ECVAM.

5.3.   Ir-regolament REACH huwa sfida sinifikanti għall-industrija u l-awtoritajiet regolatorji jekk dawn ser iżommu mal-aġenda stabbilita ta’ żmien. Permezz tar-regolament jistgħu jiġu żviluppati strateġiji progressivi ta’ ttestjar u alternattivi ġodda li jnaqqsu t-tbatija fuq l-annimali u jtejbu id-data. Metodi effiċjenti ser inaqqsu l-ispejjeż tal-industrija wkoll. Bosta awturi elenkaw diversi approċċi tal-ittestjar ibbażati fuq il-ħidma tal-ECVAM li għandhom jiġu kkunsidrati. Dawn l-approċċi diġà bdew jintużaw, b’mod partikolari fl-Istati Uniti.

5.4.   Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ l-opinjoni xjentifika ġenerali li l-ittestjar fuq l-annimali ta u ser ikompli jagħti kontribut kbir fir-riċerka xjentifika. Madanakollu hemm bżonn li l-komunità xjentifika globali li hija involuta fl-ittestjar tal-annimali taċċetta l-limiti tal-approċċi attwali u tqis il-metodi kollha hija u tirrevedi l-ħsieb wara l-esperimentazzjoni speċifika. Huma hu jiġu żviluppati l-alternattivi, il-programmi ta’ riċerka fejn l-ittestjar fuq l-annimali x’aktar mhux ser ikollu valur, għandhom jingħataw prijorità. Il-Kumitat jilqa’ l-valutazzjoni retrospettiva tal-benefiċċju tal-proċeduri tal-annimali u jemmen li jekk tiġi applikata fil-proċeduri kollha għandha l-potenzjal li tevita użu kbir tal-annimali u fl-istess waqt tindirizza t-tħassib tal-partijiet interessati fir-rigward tal-valur ta’ ċertu proċeduri.

5.5.   Il-Kumitat jilqa’ l-klassifikazzjoni li ser issir tas-severità tal-esperimenti. L-esperimenti “severi” għandhom jitqiesu b’attenzjoni speċjali u għandu jsir sforz sabiex nidentifikaw alternattivi inqas krudili. L-esperimenti li jikkawżaw ħafna uġigħ, tbatija jew biża’ għandhom isiru biss jekk ma jkunux jeżistu alternattivi jew metodi ta’ riċerka effettivi li jippermettu r-riċerka fuq ċertu mard li jolqot saħħet-il bniedem serjament.

5.6.   Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu tal-proċeduri u l-approċċi li jippromovu t-3Rs sabiex inaqqsu l-użu u t-tbatija tal-annimali. Dan jistgħu jagħmluh billi jtejbu l-ippjanar tal-esperimenti, jevitaw ir-ripetizzjoni u ma jidħlux għal studji esploratorji vasti għalxejn. Għandna nappoġġjaw il-metodi li jnaqqsu, jirfinaw u jissostitwixxu l-ittestjar fuq l-annimali bħala parti mill-istrateġiji integrati ta’ ttestjar bħat-testijiet in vitro, ir-relazzjoni kwantitattiva bejn l-istruttura u l-attività (QSAR), is-sistemi avvanzati, il-computer modelling u l-metodi statistiċi. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp ta’ rappurtaġġ ta’ inizjattivi bħal dawn sabiex jiżguraw li l-alternattivi qed jiġu żviluppati u applikati.

5.7.   Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tad-Direttiva dwar il-projbizzjoni kważi sħiħa tal-użu tax-xadini l-kbar.

5.8.   Il-Kumitat jagħraf li l-primati mhux umani ser ikomplu jintużaw f’kuntesti speċifiċi ta’ riċerka iżda jemmen li l-eliminazzjoni tal-użu tal-primati fit-testijiet għandu jkun għan fuq perijodu fit-tul ladarba jkun hemm biżżejjed alternattivi. Sadattant id-Direttiva għandha tistipula li l-primati mhux umani li jistgħu jintużaw fl-esperimenti għandhom ikunu l-wild ta’ primati mhux umani li trabbew għal dawn il-finijiet. Fir-rigward ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw eżenzjonijiet fuq bażi ta’ ġustifikazzjoni xjentifika (l-Artikolu 10). Fil-kuntest ta’ din l-inċertezza, il-KESE jipproponi li wara ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-benesseri tal-annimali u evalwazzjoni tal-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti.

5.9.   Id-Direttiva tistipula lill-Istati Membri li japplikaw l-istandards minimi tal-kura u ż-żamma tal-annimali hekk kif stabbiliti fl-Anness IV u l-Kummissjoni tista’ tadatta l-istandards għal progress tekniku u xjentifiku li jkun sar b’konformità mal-proċedura proposta tal-Kumitat u tagħmilhom vinkolanti (Artikolu 32). Artikolu 95 tat-Trattat, bħala bażi legali għad-Direttiva proposta jistipula proċeduri stretti sabiex l-Istati Membri jiddefendu standards ogħla. Sabiex jiġu eliminati l-inċertezzi, il-KESE jixtieq li f’Artikolu 32, id-Direttiva tistqarr biċ-ċar li mhix ser tillimita d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jadottaw miżuri aktar stretti għall-kura jew iż-żamma tal-annimali tal-laboratorju.

5.10.   Id-Direttiva attwali titlob li d-deċiżjoni li l-awtorizzazzjoni tingħata, tittieħed u tiġi kkomunikata lill-istabbiliment sa mhux aktar tard minn 30 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jirnexxilux jieħu deċiżjoni sa tmiem dan il-perijodu, l-awtorizzazzjoni għandha titqies bħallikieku ġiet mogħtija, fil-każ li l-proġett ikkonċernat jinvolvi biss proċeduri kklassifikati bħala “ħafifa” u li fih ma jintużawx primati mhux umani (l-Artikolu 43). Il-KESE jemmen li dan mhux iġġustifikat u m’għandux japplika jekk l-evalwazzjoni etika hija parti integrali mill-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-proġett.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 340, 10.11.1997.

(2)  ĠU L 358, 18.12.1986.

(3)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 25; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 13; ĠU C 161, 13.7.2007, p. 54; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 18; Opinjoni supplimentari tal-KESE CESE 879/2009 (NAT/431) adottata fit-13 ta’ Mejju 2009.

(4)  ĠU L 262, 27.9.1976, ĠU L 66, 11.3.2003.

(5)  Regolament (KE) nru 1907/2006.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”

COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS)

(2009/C 277/11)

Rapporteur: is-Sur ADAMS

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

COM(2008) 721 finali – 2008/0216 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Espuny Moyano.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irrifjuta l-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata u adotta l-kontropinjoni mressqa mis-Sur Adams bi 98 vot favur, 75 vot kontra u 11-il astensjoni.

1.1.   Il-KESE jappoġġja r-riforma sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd proposta mill-Kummissjoni u jagħraf li din ir-riforma hija element ċentrali tal-PKS u li hija mezz ta’ ristrutturar rilevanti ħafna u urġenti li ser itejjeb l-effikaċità tal-PKS qabel ir-rifoma kbira li ġiet proposta.

1.2.   Il-KESE jemmen li s-sistema attwali ta’ kontroll fl-UE għandha bosta nuqqasijiet. Hija ineffiċjenti, għalja, kumplessa u ma tagħtix frott. Dan kollu għandu konsegwenzi sinifikanti fuq is-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd, l-industrija tas-sajd, ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd u l-ambjent. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni hija tal-istess fehma f’dan ir-rigward.

1.3.   B’mod partikolari, il-PKS ħolqot attitudni ta’ dewmien, logħob bil-kliem, nuqqas ta’ rieda għall-implimentazzjoni u nuqqas ta’ konformità min-naħa ta’ ċerti partijiet ikkonċernati. L-għan tar-riforma tas-sistema ta’ kontroll huwa li twassal għal bidla f’din il-kultura antagonista u li mhijiex kompjaċenti. Tirrifletti l-approċċ il-ġdid imfassal fil-Green Paper dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd ta’ April 2009 u għaldaqstant tanalizza kemm il-partijiet interessati huma lesti li jimpenjaw ruħhom għall-bidla.

1.4.   Aktar minn 75 % tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja huma sfruttati bis-sħiħ jew iż-żejjed. 88 % tal-istokkijiet tal-UE jinqabdu b’rata li tosboq il-produzzjoni massima sostenibbli tagħhom.

1.5.   Fl-UE, is-sistema attwali ta’ kontroll mhijiex adegwata u ddgħajjef l-affidabbiltà tad-data bażika li fuqha huma bbażati l-pariri xjentifiċi. Minħabba nuqqas ta’ data affidabbli għad hemm livelli ta’ qabdiet mhux sostenibbli. Huwa diffiċli li wieħed jiskopri l-prattiki qarrieqa, u l-pieni li jiġu imponuti sikwit ikunu ħafna anqas mill-potenzjal ta’ profitt li jista’ jsir mis-sajd żejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni m’għandhiex biżżejjed għodod legali u b’hekk ma tistax taġixxi minnufih u b’mod effettiv meta tiskopri problema fil-prestazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali. Fl-istess waqt, it-teknoloġiji l-ġodda joffru potenzjal li mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ.

1.6.   Il-KESE jemmen li s-sistema l-ġdida tistabbilixxi approċċ globali u integrat għall-kontroll, li jiffoka fuq l-aspetti kollha tal-Politika Komuni tas-Sajd u jkopri l-katina kollha tal-qbid, il-ħatt, it-trasport, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq – mill-qabda sal-konsumatur.

1.7.   Il-KESE jqis li l-Kummissjoni wettqet ir-responsabbiltajiet tagħha li tikkonsulta l-partijiet interessati, ħejjiet valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq riċerka tajba, u jaqbel li l-Kummissjoni tħeġġeġ riforma minnufih u li ma ttawwalx iż-żmien għal azzjoni sakemm jiġi stabbilit il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd għal wara l-2012.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


APPENDIĊI

Din l-opinjoni ġiet irrifjutata u minflokha l-Assemblea adottat il-kontropinjoni, però din l-opinjoni rċeviet għall-inqas kwart tal-voti mixħuta.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jagħraf il-ħtieġa li tiġi ssemplifikata s-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u jaqbel mal-prinċipji tar-riforma proposta.

1.2.   Madankollu, il-Kumitat jemmen li bħalissa mhux l-aħjar żmien sabiex titwettaq din ir-riforma billi għadu kemm infetaħ id-dibattitu dwar il-futur tal-PKS wara l-2012 u x’aktarx ser isiru xi bidliet f’din il-politika li jolqtu bis-sħiħ is-sistema ta’ kontroll. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel isir studju serju tal-elementi bażiċi tal-PKS u tal-varji mudelli ta’ ġestjoni applikabbli biex imbagħad il-miżuri l-ġodda jiġu msejsa fuq dan l-istudju.

1.3.   Il-Kumitat jiddispjaċih li, billi riedet tniedi din ir-riforma malajr kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni ma kkonsultatx b’mod xieraq lill-partijiet ikkonċernati. Il-KESE jemmen li l-partijiet ekonomiċi u soċjali kkonċernati għandhom jiġu involuti aktar sabiex ir-riforma tirnexxi.

1.4.   Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-bidliet proposti għall-mekkaniżmi ta’ kontroll ser iżidu b’mod sostanzjali n-numru ta’ obbligi tal-bastimenti u tal-amministrazzjonijiet tas-sajd minflok jissemplifikaw is-sistema ta’ kontroll. Jirrakkomanda wkoll li jiġi stabbilit perijodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti.

1.5.   Il-KESE jemmen li l-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dawn il-miżuri ma ġewx evalwati kif jixraq.

1.6.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ma’ dawn il-miżuri, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tippubblika anness bil-limiti ta’ żmien u l-obbligi skont it-tip ta’ bastiment.

1.7.   Fir-rigward tal-kwistjonijiet tekniċi speċifiċi, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew jikkunsidraw il-punti mressqa fil-parti tal-kummenti partikolari ta’ din l-opinjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.   Nhar l-14 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat tliet dokumenti marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tal-Politika Komuni tas-Sajd (minn issa ’l quddiem imsejħa l-PKS): il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll Komunitarja li tiżgura konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), il-Proposta għal Regolament (2) u l-valutazzjoni tal-impatt (3).

2.2.   Il-Kummissjoni temmen li s-sistema ta’ kontroll imwaqqfa fl-2002 għandha nuqqasijiet serji li qed jheddu l-effiċjenza globali tagħha: għalja, kumplessa, mhix effiċjenti u ma tagħtix ir-riżultati mixtieqa. Għaldaqstant qed tipproponi riforma sostanzjali tas-sistema ta’ kontroll tal-PKS.

Skont il-Kummissjoni, l-għan ewlieni tar-riforma huwa li titwaqqaf sistema Komunitarja għall-ispezzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll, is-sorveljanza u l-infurzar sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-PKS.

2.3.1.   B’mod speċifiku, il-Kummissjoni temmen li l-proposta għal riforma li qed tagħmel ser ittejjeb is-sitwazzjoni attwali billi:

tissemplifika l-qafas legali. Il-proposta tistabbilixxi standards ta’ kontroll komuni għar-regoli kollha tal-PKS. Tistipula l-prinċipji, però d-dettalji ser jiġu stabbiliti f’regolament ta’ implimentazzjoni wieħed;

testendi l-ambitu ta’ kontroll. Il-proposta tkopri oqsma li s’issa tħallew barra (it-trasport, is-swieq, it-traċċabilità) u tindirizza l-oqsma li fihom kibret il-ħtieġa ta’ kontroll (ir-rimi ta’ ħut lura fil-baħar, is-sajd rikreattiv, iż-żoni protetti tal-baħar);

toħloq parità ta’ kundizzjonijiet fil-qasam tal-kontroll. L-introduzzjoni ta’ proċeduri armonizzati ta’ spezzjoni u ta’ sistemi armonizzati u dissważivi ta’ sanzjonijiet ser tiggarantixxi li s-sajjieda jiġu ttrattati b’mod ugwali, indipendentement minn fejn ikunu qed jaħdmu, u ser issaħħaħ il-fiduċja fis-sistema kollha;

ittejjeb l-approċċ għall-kontroll u l-ispezzjoni. Bis-saħħa tas-sistema tal-ġestjoni tar-riskju, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser ikunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi ta’ kontroll tagħhom fuq l-oqsma bl-akbar riskju li jinkisru r-regoli;

tnaqqas il-piż amministrattiv;

tapplika r-regoli tal-PKS b’mod aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni ser tħejji approċċ ibbażat fuq il-makroġestjoni u ser tiffoka fuq il-kontroll u l-verifika tal-implimentazzjoni tar-regoli mill-Istati Membri.

2.4.   Din il-Proposta għal Regolament tikkumplementa r-Regolament IUU (4) u r-Regolament dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità (5). It-tliet regolamenti ser isawru l-qafas ta’ kontroll il-ġdid.

2.5.   Il-Kummissjoni tixtieq li r-Regolament il-ġdid jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE jagħraf li s-suċċess tal-PKS jiddependi mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effiċjenti, globali, integrata u mhux diskriminatorja “mix-xibka sal-platt”, li permezz tagħha r-riżorsi akkwatiċi ħajjin ikunu jistgħu jiġu sfruttati b’mod sostenibbli.

3.2.   Il-Kumitat jemmen ukoll li s-sistema ta’ kontroll Komunitarja attwali għandha tiġi riformata bil-għan li tittejjeb. U jaqbel mal-prinċipji ġenerali li fuqhom hija msejsa l-Proposta.

3.3.   Madankollu, fil-fehma tal-KESE l-Kummissjoni għandha tieqaf u tirrifletti sew dwar jekk dan hux l-aktar żmien adatt sabiex titwettaq din ir-riforma. Fl-2008 l-Kummissjoni fetħet dibattitu dwar il-ġejjieni tal-PKS wara l-2012. Matul is-snin li ġejjin ser issir reviżjoni tal-elementi bażiċi tagħha. Il-KESE jaħseb li s-sistema ta’ kontroll għandha tiġi riformata fuq il-bażi tal-kontenut tal-PKS il-ġdida.

3.4.   L-istrument prinċipali għall-ġestjoni tas-sajd fil-PKS attwali huwa s-sistema tat-TAC (6) u tal-kwoti. Din is-sistema kemm-il darba ġiet attakata (7). Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-Regolament huwa li jiġu rispettati t-TACs u l-kwoti li jingħataw lill-Istati Membri, u billi l-istituzzjonijiet għarfu li din is-sistema għandha tittejjeb b’mod sostanzjali, jidher li jagħmel aktar sens li l-ewwel issir ir-reviżjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ ġestjoni qabel ma ssir ir-riforma tas-sistema ta’ kontroll. Il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel u qabel kollox għandhom isiru reviżjoni serja u fil-fond tal-elementi bażiċi tal-PKS u analiżi tal-varji mudelli ta’ ġestjoni applikabbli, u li l-miżuri l-ġodda għandhom jiġu adattati għar-riżultati li jinkisbu minnhom.

3.5.   Il-Kumitat huwa diżappuntat li l-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett leġiżlattiv, jiġifieri l-Komunikazzjoni, il-Proposta għal Regolament u l-valutazzjoni tal-impatt, fl-istess żmien. Normalment, il-Kummissjoni l-ewwel tippreżenta l-komunikazzjoni sabiex tintuża bħala gwida għad-dibattitu dwar il-proposta. Il-KESE jemmen li sabiex ir-riforma tirnexxi għandhom jiġu involuti l-partijiet ekonomiċi kkonċernati kollha bil-għan li jipparteċipaw f’diskussjoni fil-fond dwar il-kwistjoni. Riforma daqstant kbira żgur li ma tistax issir kif ġib u laħaq.

3.6.   Il-Proposta għal Regolament iżżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ obbligi tal-bastimenti u tal-amministrazzjonijiet tas-sajd. Il-KESE jaħseb li din is-sitwazzjoni tista’ toħloq problemi prattiċi serji billi la l-Istati Membri u lanqas il-Kummissjoni m’għandhom il-persunal u l-istruttura meħtieġa sabiex tinġabar l-informazzjoni kollha mitluba mill-Proposta u tiġi pproċessata. Barra minn dan, il-Proposta żżid ukoll l-obbligi tal-partijiet ekonomiċi kkonċernati. Skont il-Kumitat, f’dan il-perijodu ta’ kriżi wieħed m’għandux iżid il-piż amministrattiv tal-Istati Membri u l-partijiet ekonomiċi minħabba li dan jista’ jħalli impatt negattiv ħafna kemm fuq l-intrapriżi kif ukoll fuq l-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi li toħloq il-flotta ta’ bejn 10 u 15-il metru.

3.7.   Il-KESE jemmen li l-proċess ta’ semplifikazzjoni għandu jsir pass wara pass għaliex l-analiżi u l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu huma kumplessi, l-introduzzjoni tas-sistemi tiswa l-flus, u fil-bidu n-nies mhux ser ikollhom l-esperjenza neċessarja u mhux ser ikunu midħla biżżejjed tal-proċess. Billi l-bidliet proposti huma kbar, il-Kumitat jemmen li dawn għandhom jiġu diskussi fil-fond u matul perijodu twil ta’ żmien. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jaħseb li l-Artikolu 16 għandu jistabbilixxi perijodu ta’ tranżizzjoni suffiċjenti sabiex wieħed ikun jista’ jadatta ruħu għall-bidliet li fl-aħħar mill-aħħar jidħlu fil-leġiżlazzjoni marbuta mal-kontroll.

3.8.   Fil-fehma tal-KESE, il-kultura tal-konformità mar-regoli għandha tkun imsejsa fuq il-kooperazzjoni, il-ftehim u d-dispożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati, u mhux fuq iż-żieda tal-miżuri u l-proċeduri ta’ kontroll u sanzjoni. Sett ta’ regoli aktar sempliċi li jinfiehmu aħjar mill-partijiet ikkonċernati għandu jiffaċilita l-konformità mar-regoli.

3.9.   Il-Kummissjoni beħsiebha testendi s-setgħa tagħha fil-qasam tal-kontroll. Però l-Kumitat jissuġġerixxi li jitqies il-bilanċ bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex ma jkunx hemm kunflitti bejn il-kompetenzi fil-ġejjieni.

3.10.   Il-KESE jemmen li r-Regolament għandu jikkunsidra l-possibbiltà li jiġu sfruttati l-kwoti li ma jintużawx billi jerġgħu jitqassmu lil Stati Membri oħra bil-għan li jtejbu l-vijabbiltà ekonomika tas-sajd tagħhom.

4.   Kummenti partikolari

4.1.   Il-Kumitat jaħseb li l-awtorizzazzjoni tas-sajd li tinħareġ għal bastiment tas-sajd Komunitarju m’għandhiex tkun limitata għall-ilmijiet tal-Komunità; għaldaqstant jirrakkomanda li titneħħa l-frażi “fl-ilmijiet tal-Komunità inġenerali” mill-Artikolu 4(8).

4.2.   Il-KESE jħoss li, fl-Artikolu 4(10), id-definizzjoni ta’ “żona protetta tal-baħar” – żoni li jinsabu fl-ilmijiet tal-Komunità u li jħallu impatt fuq l-attività tas-sajd – għandha tinkludi proċedura Komunitarja għall-ħolqien, l-użu, il-kontroll u l-monitoraġġ ta’ dawn iż-żoni.

4.3.   L-Artikolu 4(17) jagħti d-definizzjoni ta’ “proċessar” li tinkludi t-tindif, it-tkessiħ jew l-iffriżar. Il-KESE jemmen li d-definizzjoni ta’ “proċessar” għandha tirreferi għat-tibdil tal-karatteristiċi organolettiċi tar-riżorsi akkwatiċi u mhux għall-proċessi li jintużaw sabiex jiġi ppreservat il-prodott, proċessi li huma maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-prodotti tal-ħut għall-konsumatur. Għaldaqstant jipproponi li dawn l-attivitajiet jitneħħew mid-definizzjoni ta’ “proċessar”.

4.4.   Il-KESE jaħseb li l-Artikolu 7(f) għandu jsemmi ż-żoni tal-baħar miftuħ li mhumiex irregolati minn Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd.

4.5.   Il-Kumitat jemmen li l-bastimenti ta’ bejn 10 u 15-il metru m’għandhomx ikunu obbligati jarmaw it-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 9 li jippermetti li l-pożizzjoni u l-identità tal-bastiment jinstabu awtomatikament permezz tas-Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti bit-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni f’intervalli regolari. L-attivitajiet tas-sajd ta’ dawn il-bastimenti xorta waħda huma limitati minħabba l-karatteristiċi tagħhom; fil-fatt dawn jaħdmu f’żoni qrib il-kosta li jistgħu jiġu kkontrollati faċilment. L-ispejjeż biex tiġi installata din is-sistema huma konsiderevoli u sproporzjonati għal din il-kategorija ta’ bastimenti li hija magħmula minn għadd ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jimpjegaw ħafna nies.

Il-KESE jħoss li d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14 b’rabta mal-ġurnal ta’ abbord għall-bastimenti tal-Komunità huma eċċessivi billi joħolqu piż burokratiku kbir sabiex jiġu ċċekkjati. Għalhekk, din il-kundizzjoni għandha tapplika biss għall-każijiet ġustifikati.

4.6.1.   L-Artikolu 14(1) jistipula li fil-ġurnal ta’ abbord għandhom jiġu rreġistrati l-kwantitajiet ta’ kull speċi li jintremew fil-baħar. Il-Kumitat jemmen li s-sajjieda għandhom ikunu marbuta jniżżlu fil-ġurnal kwantitajiet li jaqbżu ċertu ammont, pereżempju 50 kg.

4.6.2.   L-Artikolu 14(3) jgħid li l-marġini ta’ toleranza permess fl-istimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord għandu jkun ta’ 5 %. Il-KESE jinnota li diġà huwa diffiċli li jinżamm il-valur attwali, li huwa ta’ 8 % għall-aktar każijiet stretti tal-pjanijiet ta’ rkupru. Is-sajjieda mhux ser ikunu jistgħu jirrispettaw marġini ta’ tolleranza baxx wisq minħabba li dan iwassal għal piż burokratiku kbir u joħolqilhom il-kumplikazzjonijiet. Għalhekk ser jingħataw numru konsiderevoli ta’ sanzjonijiet, pass li jmur kontra l-għan li jiġu ssemplifikati s-sistemi ta’ kontroll. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li din il-miżura ma tiġix applikata.

4.6.3.   Il-KESE jaħseb li fatturi tal-konverżjoni użati sabiex il-piż tal-ħut maħżun jinqaleb f’piż ta’ ħut ħaj – li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk jaffettwaw il-kalkolu tal-qabdiet ta’ kull pajjiż – m’għandhomx jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-medja tal-valuri applikati fl-Istati Membri biss, iżda għandhom jikkunsidraw ukoll il-partikolaritajiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull attività tas-sajd. Irid jitqies ukoll l-impatt tal-bidla minn fatturi tal-konverżjoni nazzjonali għal fatturi tal-konverżjoni Komunitarji fuq l-istabbiltà relattiva.

4.7.   Ir-Regolament dwar l-użu ta’ ġurnal elettroniku (8) ma jistipulax li din il-miżura għandha tiġi applikata għall-bastimenti ta’ anqas minn 15-il metru. Il-KESE jaħseb li l-bastimenti ta’ bejn 10 u 15-il metru m’għandhomx jiġu inklużi qabel ma l-awtoritajiet tal-Istati Membri jevalwaw l-applikazzjoni prattika ta’ din il-miżura u l-konsegwenzi tagħha għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru u jiksbu l-esperjenza prattika meħtieġa. Ta’ min ifakkar li għall-bastimenti ta’ aktar minn 24 metru l-ġurnal elettroniku mhux obbligatorju sal-1 ta’ Jannar 2010 u għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru sal-1 ta’ Lulju 2011. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tal-Proposta ma jinkludix id-derogi attwali rigward il-proċeduri elettroniċi għall-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru. Il-Kumitat jitlob li jkun hemm aktar konsistenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

4.8.   Il-KESE jemmen li n-notifika minn qabel stabbilita fl-Artikolu 17 għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom tkun ġustifikata biss, bħalma huwa l-każ bħalissa: in-notifika minn qabel hija mitluba biss għall-bastimenti li jkunu qed iġorru speċi inklużi fil-pjanijiet ta’ rkupru. B’hekk jiġi evitat ix-xogħol żejjed li ħafna drabi ma jipprovdix informazzjoni siewja, bħalma huwa l-każ tal-qabdiet żero. Il-Kumitat jaħseb li n-notifika tal-qabdiet għandha tintalab fuq il-bażi ta’ kwantità minima rappreżentattiva.

4.9.   Il-Kumitat jemmen li n-notifika minn qabel tal-kaptan tal-bastiment jew tar-rappreżentant tiegħu għandhom jintbagħtu dejjem lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera u mhux lill-awtoritajiet tal-Istat kostali jew tal-post fejn jinħatt il-ħut. Bħalissa, bastiment dejjem għandu jgħaddi l-informazzjoni liċ-ċentru tal-komunikazzjoni tal-Istat tal-bandiera, imbagħad iċ-ċentri tal-komunikazzjoni jgħaddu din l-informazzjon lill-Istati Membri l-oħra (9).

4.10.   Il-KESE jemmen li l-projbizzjoni tat-trażbord tal-ħut fuq il-baħar stipulata fl-Artikolu 18 tista’ tikkawża problemi serji għal ċerti tipi ta’ sajd u b’hekk thedded il-vijabbiltà ekonomika tal-flotot ikkonċernati. Barra minn hekk, il-fatt li ma jistax isir trażbord tal-ħut fuq il-baħar jew qrib iż-żoni tas-sajd sabiex dan ikompli jiġi pproċessat u ffriżat jista’ jaffettwa l-kwalità tal-ħut li jixtri l-konsumatur.

4.11.   Fir-rigward tal-Artikolu 21, il-KESE jaħseb li l-limitu ta’ sagħtejn wara li jinħatt il-ħut sabiex tintbagħat id-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera b’mezzi elettroniċi huwa qasir wisq u għalhekk kapaċi ma jiġix rispettat. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jipproponi li l-limitu jkun ta’ 24 siegħa fid-dawl tal-fatt li bħalissa dan huwa ta’ 48 siegħa.

4.12.   Il-Kumitat jaħseb li l-Artikolu 28 għandu jistabbilixxi l-proċeduri biex il-kwoti żejda li ma jkunux jistgħu jintużaw minn Stat Membru jingħataw, b’ċerti kundizzjonijiet, lil Stati Membri oħra, u biex Stat Membru jkun jista’ jittrasferixxi l-kwoti żejda għas-sena ta’ wara. Barra minn dan, f’każ ta’ miżuri korrettivi, il-kumpens ta’ Stat Membru minħabba l-għeluq tal-attività tas-sajd għandu jsir permezz ta’ mekkaniżmi rapidi li jkunu jistgħu jiġu implimentati b’mod faċli.

4.13.   Il-KESE jħoss li l-Artikolu 33 jista’ joħloq xi problemi għal ċerti flotot partikolari li jaqbdu speċi pelaġiċi żgħar u jittrasferixxu l-qabdiet tagħhom fil-port sabiex jiġu pproċessati f’bastimenti tal-friża. Dan l-Artikolu jista’ jaffettwa wkoll il-flotot ta’ Stat Membru li jħottu l-qabdiet tagħhom fi Stat Membru ieħor biex jinġarru fit-trakkijiet lejn il-portijiet ta’ Stati Membri oħra fejn imbagħad jitqiegħdu fis-suq.

4.14.   Il-KESE jaqbel li, kif inhu stipulat fl-Artikolu 35, l-ispeċi inklużi fi pjan ta’ rkupru għandhom jiġu stivati f’kaxxi differenti mill-bqija tal-qabda u dawn il-kaxxi għandhom jiġu mmarkati permezz ta’ tikketta. Madankollu, ma jemminx li dawn il-kaxxi għandhom jinħażnu fl-istiva b’mod separat mill-kaxxi l-oħra għaliex dan ma jfissirx li b’hekk il-qabdiet jistgħu jiġu kkontrollati aħjar billi l-kaxxi bl-ispeċi inklużi fi pjan ta’ rkupru diġà jkollhom tikketta li tindika l-kodiċi tal-FAO tal-ispeċi.

4.15.   Il-KESE jemmen li r-reġistrazzjoni tar-rimi lura fil-baħar stipulata fl-Artikolu 41 hija essenzjali sabiex jitħarsu r-riżorsi u tittejjeb il-kwalità tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi, speċjalment fil-każ tal-attivitajiet tas-sajd imħalltin. Il-Kumitat iħeġġeġ it-tnaqqis tar-rimi lura fil-baħar bħala prinċipju fundamentali tas-sostenibbiltà. Madankollu jemmen li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tar-rimi lura fil-baħar huma eżaġerati, mhumiex kompatibbli mal-attività tas-sajd u ser joħolqu ħafna xogħol żejjed li jista’ jhedded is-sigurtà tal-bastiment, il-benesseri tas-sajjieda u l-istandards tal-iġjene. Il-frażi “mingħajr dewmien” hija vaga wisq u tista’ toħloq inċertezza legali.

4.16.   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni tal-għeluq fil-ħin reali ta’ żona tas-sajd, stipulata fl-Artikoli 43, 44, 45 u 46, hija waħda delikata u għalhekk għandha tiġi analizzata bir-reqqa qabel ma tiġi implimentata. Fid-dawl tal-fatt li l-Proposta għal Regolament dwar il-miżuri tekniċi (10) ser twaqqaf qafas leġiżlattiv speċifiku, skont il-KESE ikun aħjar li wieħed jistenna li l-istudju u l-analiżi tal-kwistjoni jkunu ntemmu. Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmi biex tingħalaq u terġa’ tinfetaħ żona tas-sajd għandhom ikunu sempliċi u flessibbli. F’dan il-kuntest, fil-fehma tal-Kumitat huwa diffiċli li l-proċedura stipulata għall-ftuħ mill-ġdid ta’ żona magħluqa temporanjament – li titlob li l-bastimenti jkollhom osservatur xjentifiku abbord – tiġi rispettata, b’mod partikolari jekk irridu li dawn iż-żoni jerġgħu jinfetħu fiż-żmien stipulat mingħajr ma ssir l-ebda ħsara inutli lis-sajjieda.

4.17.   Il-Kumitat jaħseb li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 47, li tistipula li l-ħut inkluż fi pjan ta’ rkupru multiannwali li jinqabad waqt is-sajd rikreattiv għandu jinqata’ mill-kwoti rilevanti tal-Istat Membru tal-bandiera, mhix raġonevoli għaliex dan huwa ta’ ħsara għas-sajjieda professjonali li jaqilgħu l-għaxja ta’ kuljum mis-sajd. Il-Kumitat jaħseb ukoll li s-sajd rikreattiv għandu jiġi rregolat u kkontrollat b’mod xieraq f’kull Stat Membru sabiex jiġu protetti r-riżorsi tas-sajd.

4.18.   L-Artikolu 84 jintroduċi sistema ta’ punti penali ġdida biex jiġu kkastigati dawk is-sajjieda li jiksru r-regoli tal-PKS. Il-Kumitat jemmen li din is-sistema mhix adatta għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, din hija sistema diskriminatorja billi l-flotot ta’ pajjiżi terzi mhumiex inklużi fiha għalkemm jipprovdu ’l fuq minn 60 % tal-ħut li jittiekel fl-UE. It-tieni nett, din is-sistema ma tikkunsidrax jew ftit li xejn tikkunsidra l-prinċipju tal-proporzjonalità billi jekk jittieħed il-permess tas-sajd, l-intrapriża tas-sajd ikollha tagħlaq u jintilfu l-impjiegi.

4.19.   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri finanzjarji stipulati fl-Artikolu 95 huma eċċessivi. Fil-fatt, is-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Komunità lil Stat Membru għax ma jkunx seta’ jwettaq l-obbligi stipulati fir-Regolament ser iħallu impatt negattiv gravi fuq l-operaturi tal-qasam tas-sajd u b’hekk dawn ser jiġu penalizzati.

4.20.   L-Artikolu 96 jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-għanijiet tal-PKS min-naħa tal-Istati Membri. Il-Kumitat jaħseb li f’dan l-Artikolu jintużaw termini vagi ħafna li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni żbaljata. Il-KESE jemmen li s-sajd għandu jingħalaq biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u f’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkun hemm raġunijiet ġustifikati u kkonfermati. Għandhom jiġu determinati b’mod ċar il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi applikata din il-miżura.

4.21.   Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-diffikultà li jiġu garantiti l-kunfidenzjalità u s-sigriet professjonali jew kummerċjali minħabba l-kwantità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, in-numru ta’ persuni involuti fl-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll il-ħafna tagħmir ta’ komunikazzjoni, pożizzjonar u identifikazzjoni meħtieġa.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 75

Kontra: 98

Astensjonijiet: 11


(1)  COM(2008) 718 finali.

(2)  COM(2008) 721 finali.

(3)  SEC(2008) 2760.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 286, 29.10.2008).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (ĠU L 286, 29.10.2008).

(6)  Qabdiet totali permessi.

(7)  Rapport speċjali Nru 7/2007 tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE.

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku tal-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta’ telerilevament (ĠU L 409, 30.12.2006).

(9)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1077/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1966/2008 (ĠU L 295, 4.11.2008).

(10)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi (COM(2008) 324 finali).


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità”

COM(2008) 645 finali

(2009/C 277/12)

Rapporteur: is-Sur RIBBE

Nhar is-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità

COM(2008) 645 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Ribbe.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-għanijiet tagħha li tnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tropikali mill-inqas b’nofs sal-2020 u li twaqqafhom kompletament sal-2030. Huwa jistenna li l-UE tadotta approċċ aktar proattiv minn qabel f’dan ir-rigward.

1.2.   Minkejja li l-attivitajiet li twettaq il-popolazzjoni taż-żona, pereżempju l-biedja ta’ sussistenza, jistgħu f’ċerti każijiet jikkawżaw parti mill-iżviluppi li jissemmew fil-Komunikazzjoni, il-ħsara prinċipali ġejja minn kawżi oħrajn. L-atturi prinċipali ħafna drabi huma grupp żgħir ta’ nies jew kumpaniji globali li jagħmlu profitt kbir minn fuq dahar l-ambjent, il-klima, il-bijodiversità u l-popolazzjoni lokali u jħallu warajhom art meqruda.

1.3.   Huwa minnu li s-sitwazzjoni attwali, hekk kif semmiet il-Kummissjoni, inħolqot minn fatturi ekonomiċi diretti, reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi korrotti u inkompetenti. Madanakollu l-pajjiżi li lejhom jiġu esportati dawn il-prodotti jaħtu wkoll. Fost dawn il-pajjiżi nsibu l-pajjiżi tal-UE. Il-Kumitat għalhekk jinsab sodisfatt bil-ħsieb tal-Kummissjoni li tevalwa l-kontribut dirett u indirett tal-UE lejn is-sitwazzjoni u l-konsewgenzi ta’ din l-azzjoni.

1.4.   Hija deċiżjoni tajba li l-UE taqdi rwol mexxej fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. Il-komunità internazzjonali ser ikollha tagħti l-kontribut finanzjarju tagħha wkoll. F’dan ir-rigward il-Kumitat jitlob lil dawk li jfasslu l-politiki sabiex jirrispettaw ċerti prinċipji. Il-prinċipju bażiku dejjem għandu jkun dak ta’ “min iniġġes iħallas”. Dan ifisser li min – legalment – iwettaq attivitajiet ta’ ħsara għall-ambjent ikollu jħallas l-ispejjeż marbuta. B’hekk il-pass tal-“internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” li talab kemm-il darba l-KESE ikun pass li jittieħed fil-livell globali u jitfassal b’konformità mal-prinċipiji tal-WTO. Il-prinċipju “il-pubbliku jħallas” m’għandux jieħu post il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” f’sitwazzjoni fejn dawk li jħallsu t-taxxi jew inkella l-amministrazzjoni pubblika jkollhom iħallsu sabiex ma ssirx ħsara fuq l-ambjent.

1.5.   Il-pajjiżi li jixtiequ jisfruttaw l-istrumenti finanzjarji biex jiġġieldu d-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li mhumiex interessati “fil-bejgħ tal-indulġenzi” iżda fl-iżvilupp sostenibbli. Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-industrija illegali tal-injam għandha tkun l-ewwel prova tagħhom. Ma jagħmilx sens li nagħtu flus lill-pajjiżi li m’għandhom l-ebda ħajra li jiġġieldu l-qtugħ illegali tas-siġar, bil-għajnuna tal-UE jew mingħajrha.

1.6.   Minkejja li l-miżuri individwali li tixtieq tintroduċi l-UE sabex issolvi din il-problema globali għadhom ma ġewx żviluppati sal-aħħar, diġà juru biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tagħhom ser ikunu miżuri volontarji (1). Madanakollu jidher ċar li l-komunità internazzjonali, li hija bbażata fuq il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni, malajr tistabbilixxi l-limiti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda globali kontra l-isfruttament ekoloġiku u soċjali. Għad m’hemmx strumenti globali u effettivi biżżejjed għalhekk nitolbu lill-UE sabiex għall-inqas tiżgura li fil-qafas tal-WTO, l-inizjattivi li jittieħdu f’dan il-qasam ma jitqiesux bħala “ostakli kummerċjali”.

1.7.   Il-KESE lest li jilqa’ dan l-approċċ volontarju mandanakollu jistenna li l-UE twettaq reviżjoni ta’ nofs it-term wara mhux aktar tard minn tliet snin sabiex teżamina jekk il-miżuri kellhomx effett u jekk l-għanijiet humiex qed jintlaħqu. Jekk ir-reviżjoni tikkonkludi li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti għadha għaddejja għandna nieħdu miżuri aktar stretti.

1.8.   Is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jkunu mezz inizjali ta’ kif niksbu titjib. Dawn m’għandhomx japplikaw għall-injam u l-prodotti tal-injam importati kollha biss iżda anki għall-prodotti oħra tar-reġjuni rilevanti (pereżempju, l-għalf jew il-bijomassa għall-produzzjoni tal-enerġija).

1.9.   Il-KESE huwa tal-fehma li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma eżempju li juri li, għall-inqas fir-reġjuni kkonċernati, il-politika tal-iżvilupp falliet. Ma ġewx żviluppati mudelli innovattivi, sostenibbli u adattati għar-reġjuni li setgħu ħarsu lir-riżorsi naturali mill-istati li jinsabu fihom illum. Madanakollu qatt ma huwa tard wisq li nippromovu approċċi ġodda flimkien mal-popolazzjoni lokali u għall-ġid tagħha. Il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għandhom jinkludu inizjattivi adattati għall-iżvilupp ta’ strutturi demokratiċi u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. Il-KESE lest li jagħti l-għajnuna tiegħu sabiex dan ikun jista’ jseħħ.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex ibbażata fuq il-foresti tal-UE. Hija tindirizza l-kwistjoni ta’ kif fil-ġejjieni ser inħarsu aħjar il-foresti li mhumiex koperti minn ftehimiet internazzjonali bħal pereżempju fil-qafas tal-bidla fil-klima.

2.2.   Skont l-istimi tal-FAO, kull sena jintilfu madwar 13-il miljun ettaru ta’ foresti, żona ta’ madwar id-daqs tal-Greċja. 96 % tad-deforestazzjoni reċenti seħħet f’reġjuni tropikali u l-ikbar telf nett ta’ kopertura forestali bejn l-2000 u l-2005 ġie rreġistrat f’għaxar pajjiżi (2).

2.3.   Id-deforestazzjoni sseħħ minħabba fatturi kumplessi u differenti iżda fl-istess ħin sempliċi. Fi wħud mill-istqarrijiet tagħha l-Kummissjoni tinnota li ċerti prattiki li mhumiex sostenibbli jistgħu jrendu profitt kbir mil-lat ekonimiku. Hija tgħid pereżempju li: “Il-foresti jinqerdu għaliex iktar irendi u jwassal għall-qligħ malajr li l-art tintuża għal għanijiet oħra milli li l-foresti jinżammu bla mittiefsau lil-użi alternattivi ta’ art b’valur għoli tas-suq li jispiċċaw iħallu l-qligħ, bħal fil-każ tal-kisba tal-komoditajiet, jipprovdu l-inċentivi għad-deforestazzjoni”. Hija tistqarr ukoll li “għandu jkun espliċitament rikonoxxut li waħda mill-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni hija waħda ekonomika”.

2.4.   Il-Komunikazzjoni tgħid ukoll li l-iżvilupp li sar fl-infrastruttura huwa kawża oħra tad-deforestazzjoni kontinwa. Dwar dan il-Kummissjoni tistqarr li: “Il-kawża tal-qiegħ l-aktar importanti hija l-governanza ineffettiva, marbuta ma’ politiki tal-użu tal-art li ma jkunux infurzati sew u reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art”.

2.5.   Dan l-iżvilupp għandu bosta konsegwenzi:

Id-deforestazzjoni hekk kif inhi deskritta fit-test tal-Kummissjoni tikkawża madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) u s’issa għadhom ma jeżistux mekkaniżmi li jtaffu l-impatt kbir ta’ dan il-fattur fuq il-bidla fil-klima. Huwa proprju dan il-fattur li tfittex li tindirizza l-Kummissjoni b’kunsiderazzjoni tal-konferenza dwar il-klima mistennija li ssir f’Kopenhagen lejn l-aħħar tas-sena.

Madanakollu l-Kummissjoni tiċċara wkoll il-fatt li din mhijiex kwistjoni li tolqot il-ħarsien tal-klima biss. Madwar nofs l-ispeċijiet dinjija tal-pjanti u l-amminali jinsabu fil-foresti tropikali. Jekk inwaqqfu d-deforestazzjoni inkunu qed nagħtu kontribut importanti sabiex inwaqqfu wkoll it-telf tal-bijodiversità, li huwa impenn ieħor tal-komunità internazzjonali.

Il-Komunikazzjoni tiġbed l-attenzjoni lejn id-diversi konsegwenzi soċjali negattivi li jista’ jkollhom id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti mhux fiż-żoni żvantaġġati biss iżda anki fost il-popli indiġeni li qed jitilfu l-ambjent naturali tagħhom.

2.6.   Il-Komunikazzoni tippreżenta wkoll kalkoli tal-valur ekonomiku tal-foresti tropikali. Hija tgħid ukoll li, skont tbassir li sar, jekk ir-rati tad-deforestazzjoni jibqgħu kif inhuma 5 % tal-PGD ser jintilef sal-2050 (3) u tinnota wkoll il-potenzjal li jeżisti fit-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra li jista’ jinkiseb għal prezz relattivament baxx għal kull tunnellata ta’ CO2 li tiġi ffrankata.

2.7.   Il-Kummissjoni tistqarr biċ-ċar li “Issa ż-żmien għal azzjoni deċiżiva”. Hija tistipula l-għan li t-telfglobali tal-foresti jitwaqqaf sa mhux aktar tard mill-2030 u titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b’mill-inqas 50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali.” Dan huwa l-għan li tixtieq tippreżenta l-Kumissjoni fin-negozjati ta’ wara Kyoto.

2.8.   Fil-qosor, il-Kummissjoni temmen fl-importanza li nħarsu r-riżorsi tal-foresti globali u temmen li l-Ewropa “għandha tkun minn ta’ quddiem fit-tfassil tar-reazzjoni politika globali għad-deforestazzjoni.”

2.9.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi diversi oqsma li fihom l-UE tista’ tagħti kontribut fil-qafas tal-politika stabbilita:

Minn naħa l-Komunikazzjoni tippreżenta bosta mezzi għall-promozzjoni sostenibbli tal-injam u tal-prodotti tal-injam. Din kwistjoni ċentrali għax l-UE hija konsumatur ewlieni tal-injam u l-prodotti tal-injam. Fl-2005 biss, ġew importati 83 miljun m3 ta’ injam u prodotti tal-injam fis-suq tal-UE, esklużi l-polpa u l-karta. Il-Kummissjoni tbassar li 19 % tal-injam impurtat huwa injam ikkultivat illegalment.

Min-naħa l-oħra tgħid li għandha ssir aktar ħidma biex jiġi evalwat aħjar l-impatt li għandhom il-politiki tal-UE li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti li mhumiex tal-injam fuq il-foresti. Hija tinnota pereżempju li: “Hemm għadd ta’ rabtiet bejn id-domanda għall-komoditajiet agrikoli u l-pressjonijiet fuq l-użu tal-art.” Għalhekk tistqarr li ser twettaq studji “tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-ikel impurtat u l-komoditajiet li mhumiex tal-ikel (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni”. Permezz ta’ dawn l-istudji jistgħu jitqiesu l-għażliet ta’ politika li jeżistu sabiex jitnaqqas dan l-impatt.

2.10.   Flimkien mal-politika li teżisti, il-Komunikazzjoni tiġbed l-attenzjoni lejn l-ammont, is-sorsi ta’ finanzjament u l-mekkaniżmi li jeżistu u li jistgħu jintużaw fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni jikkonkludi li hemm bżonn ta’ bejn EUR 15 u EUR 25 biljun fis-sena sabiex id-deforestazzjoni titnaqqas bin-nofs sal-2020. L-UE tassumi li “fil-pajjiżi żviluppati jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi konsiderevoli sabiex tiġi affrontata d-deforestazzjoni”.

Il-Komunikazzjoni tqis id-diversi mekkaniżmi ta’ finanzjament li jistgħu jiġu żviluppati. Ir-rikonoxximent tal-krediti tal-foresti fis-sistema tal-UE tal-iskambju tal-emissjonijiet (ETS) mhijiex sistema realistika bħalissa għax l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni huma bejn wieħed u ieħor tliet darbiet ogħla mill-ammont tal-emissjonijiet regolati mill-ETS tal-UE. Ladarba jiġu stabbiliti u interkonnessi sistemi ta’ skambju tal-emissjonijiet globali, jibda jagħmel aktar sens li jintużaw il-krediti tal-foresta għall-iffinanzjar tal-ħarsien tal-foresti.

Sehem kbir mill-finanzjament tal-UE jista’ jiġi mid-dħul tal-irkant tal-kwoti fi ħdan l-UE ETS. Jekk 5 % tad-dħul mill-irkant jintuża għall-isforzi globali għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, jistgħu jinġabru bejn EUR 1,5 u 2,5 biljun sal-2020.

2.11.   Fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC), għall-perijodu 2013-2020, l-UE qed taħdem lejn l-għan li tistabbilixxi skema ta’ inċentivi appoġġjata fil-livell internazzjonali sabiex titnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi żviluppati.

Din l-iskema tista’ tinkludi t-twaqqif ta’ Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti li jippermetti lill-pajjiżi żviluppati li jagħtu s-sehmhom biex jilħqu l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li ġie stabbilit fil-livell globali billi jieħdu azzjoni sabiex inaqqsu l-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; id-dettalji istituzzjonali u operattivi għadhom iridu jitfasslu.

L-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju hija l-għan stabbilit fuq tul ta’ żmien.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-fatt li l-UE tixtieq taqdi rwol mexxej biex issib soluzzjoni għal problema magħrufa li ilha tiġi diskussa snin twal. In-negozjati li jmiss bil-għan li jsir ftehim dwar il-klima huma l-qafas tajjeb sabiex dan ikun jista’ jseħħ.

3.2.   Il-KESE jemmen li hija ħasra kbira li s’issa l-komunità internazzjonali m’għamlet kważi xejn biex tindirizza d-deforestazzjoni. Kien hemm bosta raġunijiet li jiġġustifikaw azzjoni f’dan ir-rigward. It-telf tal-bijodiversità minħabba d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, il-qerda tar-riżorsi naturali li jiddependu minnhom il-popli indiġeni, l-isfruttament tal-ħaddiema u t-tkeċċija tal-bdiewa ż-żgħar mill-artijiet tal-antenati tagħhom mhumiex fenomeni ġodda. Il-ħarsien tal-klima hija biss opportunità oħra li nittrattaw problema antika b’enerġija ġdida.

3.3.   Sa ċertu punt il-KESE jifhem il-punt tal-Kummissjoni li l-Komunikazzjoni “mhix maħsuba biex tagħti tweġibiet definittivi lill-bosta kwistjoniiet marbuta mad-deforestazzjoni”. Madankollu huwa jistenna li l-Kummissjoni ma tkomplix twarrab lit-tema. Wasal iż-żmien li tieħu azzjoni.

3.4.   Il-Kumitat jilqa’ l-istqarrijiet ċari tal-Kummissjoni dwar x’qed joħloq d-deforestazzjoni. Il-Kummissjoni tistqarr l-problema tal-użu ħażin tal-art ġejja l-iżjed minn interessi ekonomiċi fuq tul qasir ta’ żmien. Ir-reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi ineżistenti, dgħajfa fejn jidħol l-infurzar tal-liġijiet jew saħansitra korrotti qed jikkawżaw qerda problematika ħafna mil-lat globali u li ma tqis xejn il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali.

3.5.   Il-KESE jagħraf li l-popli ta’ kull reġjun fid-dinja jeħtieġu perspettivi ta’ żvilupp ekonomiku. Il-Kumitat innifsu ilu snin li ħoloq djalogu mill-qrib mal-gruppi tas-soċjetà ċivili, pereżempju ma’ dawk tal-Amerika Ċentrali u Latina, l-Indja u ċ-Ċina, sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa. Madanakollu d-degradazzjoni u l-qerda tal-foresti li tiddiskuti l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ żvilupp reġjonali xieraq. Is-sitwazzjoni hija waħda ta’ sfruttament tan-nies u tal-ambjent mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni ta’ żvilupp sostenibbli.

3.6.   F’pajjiżi li qed jesperjenzaw deforestazzjoni fuq skala kbira, ħafna bdiewa qed jaqtgħu s-siġar u jqabbdu l-foresti sabiex ikunu jistgħu jużaw l-art għall-ħrit jew għat-trobbija tal-annimali. Din il-ħela tar-riżorsi naturali mhijiex sostenibbli u hija kkawżata minn tqassim tal-art inġust u n-nuqqas ta’ xi tip ta’ politika agrikola f’dawn l-oqsma.

3.7.   F’dawn il-postijiet l-użu tal-art ħafna drabi jitmexxa minn grupp żgħir ta’ nies jew kumpaniji globali li jagħmlu profitt kbir minn fuq dahar l-ambjent, il-klima, il-bijodiversità u l-popolazzjoni lokali u jħallu warajhom art meqruda. Bosta eżempji pożittivi (4) juru madanakollu li jeżistu soluzzjonijiet oħra u li r-riżorsi lokali jistgħu jintużaw b’mod sostenibbli u jservu b’hekk ta’ sorsi ta’ qligħ u possibbiltajiet ta’ żvilupp għall-popolazzjoni lokali. Dawn l-eżempji jistħoqqilhom appoġġ.

3.8.   Minkejja li l-impatt tal-qerda jinħass l-aktar fil-livell lokali, il-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità iħallu l-impatt globali tagħhom ukoll. Dan ifisser li l-qerda tolqotna lkoll u għalhekk kollha għandna nagħtu sehmna sabiex insolvu l-problema.

3.9.   Ftit li xejn jagħmel sens li l-pajjiżi żviluppati jippuntaw subgħajhom lejn is-sitwazzjoni drammatika fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Is-sitwazzjoni hija problema tagħna wkoll: ħafna mill-prodotti – materja prima mhux maħduma, prodotti fil-fażi bikrija tal-ipproċessar – ma jinbigħux lokalment iżda ġeneralment il-bogħod, fil-pajjiżi żviluppati. Id-domanda għal dawn il-prodotti “rħas” teżisti anki fl-Ewropa.

3.10.   Nilqgħu għalhekk il-fatt li l-Kummissjoni tindirizza b’kollox dawn it-tliet kwistjonijiet:

1.

X’sehem għandha l-UE fil-qerda li qed isseħħ f’dawn il-postijiet (u kif jista’ jitnaqqas)?

2.

L-UE (u l-Istati Membri tagħha) kif tista’ tagħti kontribut fil-prevenzjoni tal-prattiki illegali jiġifieri l-qerda li ma sseħħx fl-interess tal-pajjiż ikkonċernat? X’jista’ jsir sabiex niżviluppaw prattiki tal-użu tal-art ibbażati fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-bżonnijiet tal-popolazzjoni lokali?

3.

Kif nistgħu niżviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament li jneħħu l-pressjoni minn fuq id-deforestazzjoni?

3.11.   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra qed taħdem bis-sħiħ sabiex issaħħaħ id-dibattitu dwar il-bidla fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità permezz tal-fatti ekonomiċi. Fost l-eżempji ewlenin ta’ dan insibu r-Rapport ta’ Stern li jiċċara l-fatt li bidla ambizzjuża ser tiswilna ħafna anqas mill-ispejjeż li ser ikollna nħallsu jekk ma nindirizzawx il-bidla fil-klima u r-Rapport ta’ Sukhdev li jissemma fid-dokument tal-Kummissjoni u li jiġbor il-valur ekonomiku ta’ bijodiversità sana.

3.12.   Madanakollu dawn l-istudji u l-kalkoli huma eżempju ieħor tal-fatt li l-valur ekonomiku li jiddeskrivu jeżisti biss fil-karti. u la jżidu l-PGD, la jirriflettu ruħhom fil-bilanċ ekonomiku tal-kumpaniji u lanqas ma jistgħu jiġu skambjati fil-borża. Għall-kuntrarju, l-eżempju tad-deforestazzjoni juri biċ-ċar id-distakk kbir li jeżisti bejn il-profitt fuq tul qasir ta’ żmien (li huwa l-kawża tad-deforestazzjoni) u l-interessi dejjiema tal-ekonomija sħiħa (fejn il-foresti jitħarsu sabiex jipproteġu l-klima u l-bijodiversità tal-foresti).

3.13.   L-isfruttament fil-ħela tar-riżorsi tagħna qed iseħħ minn fuq dahar il-ġid komuni ta’ kulħadd. L-ikbar sfida tagħna hija għalhekk li nwettqu l-“internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” u b’hekk nippromovu l-prinċipju li tant ilu jiġi reklamant ta’ “min iniġġes iħallas” sabiex jintlaqa’ aħjar. L-istudji li semmejna u ċ-ċifri li jinsabu fir-rapport tal-Kummissjoni jindikaw is-somma involuta.

3.14.   Il-KESE jagħraf li, hekk kif għamlet il-Kummissjoni fid-dokument tagħha, jeħtieġ li jingħataw l-inċentivi sabiex tieqaf id-deforestazzjoni. Huwa jemmen madanakollu li għandu jiġi osservat il-prinċipju importanti li l-fondi pubbliċi ma jingħatawx lill-kumpaniji jew lill-individwi bħala inċentiv li huwa ta’ ħsara kollettiva. Jeħtieġ li dejjem isir sforz sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas globali li permezz tagħhom jistgħu jiġu evitati u eliminati l-azzjonijiet li huma ta’ ħsara. Dan prinċipju li għandha tħaddan l-UE anki matul in-negozjati ta’ Kopenhagen. Fejn issir xi ħsara għandna nirrispondu permezz tal-applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u mhux “tal-pubbliku jħallas” sabiex ma ssirx ħsara.

3.15.   Il-pajjiżi li fil-futur jixtiequ jisfruttaw l-istrumenti finanzjarji sabiex jiġġieldu d-deforestazzjoni jew id-degradazzjoni tal-foresti għandhom jiddikjaraw b’mod ċar li mhumiex interessati “fil-bejgħ tal-indulġenzi” iżda fl-iżvilupp sostenibbli dejjiemi. Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-industrija illegali tal-injam tista’ tkun “l-ewwel prova” tagħhom. Il-pajjiżi kkonċernati jeħtieġ li jiċċaraw il-fatt li huma, bil-għajnuna tal-gvern jew mingħajrha, jixtiequ li jaħdmu tassew sabiex jeqirdu dawn il-prattiki illegali. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jenfasizza li l-għan huwa li jinqerdu l-prattiki illegali u mhux li jiġu legalizzati. Fih innifsu pass bħal dan jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni b’mod sinifikanti.

3.16.   Min-naħa l-oħra l-pajjiżi kkonċernati għandhom juru biċ-ċar li huma interessati jieħdu azzjoni innovattiva, sostenibbli u xierqa għar-reġjun kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Ħafna drabi l-istqarrijiet tal-Kummissjoni kienu vagi kemm minħabba nuqqas ta’ għarfien jew nuqqas ta’ data speċifika kif ukoll minħabba li l-kunċetti li ġew ippreżentati għadhom ma ġewx żviluppati biżżejjed.

4.2.   Jekk l-UE ma taħdimx iktar sabiex tiżviluppa mezzi ta’ kif tiġġieled id-degradazzjoni tal-foresti, ser tispiċċa fil-periklu li tiġi akkużata b’nuqqas ta’ interess.

4.3.   L-amministraturi u l-politiċi tagħna ilhom żmien twil jaraw foresti jinqerdu u prodotti illegali jaslu fil-portijiet Ewropej. Minkejja li l-oriġini tal-kunsinna diffiċli tiġi traċċata minħabba li, pereżempju, il-materjal ikkonċernat ikun ġie inkorportat fi prodotti oħra jew għax ikunu ntużaw kodiċi differenti, s’issa jidher li ftit li xejn kien hemm rieda li tinstab soluzzjoni. Il-KESE jistenna li l-UE tagħmel sforz ferm ikbar sabiex tindirizza din il-kwistjoni ċentrali u globali. Ftit ilu l-KESE laqa’ l-fatt li l-UE ser tibrojbixxi l-prodotti tal-foki minkejja li l-gvern Kanadiż bil-liġi jippermetti l-kaċċa tal-foki. Is-soċjetà ċivili tistenna azzjoni simili fir-rigward tal-foresti.

4.4.   Il-Komunikazzjoni lanqas ma hija speċifika dwar kemm l-ammont ta’ għalf impurtat fl-UE qed jikkawża direttament jew indirettament id-deforestazzjoni (5). Din il-kwistjoni kemm il-darba ħolqot dibattitu kontroversjali u l-Komunikazzjoni tirreferi għaliha wkoll (Punt 2.9). Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex l-istudju li tistqarr li ser twettaq “tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-ikel impurtat u l-komoditajiet li mhumiex tal-ikel (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni” twettqu kemm jista’ jkun malajr sabiex tiċċara l-kwistjoni.

4.5.   Fil-fehma tal-Kumitat, hekk kif l-UE żviluppat kriterji tas-sostenibbiltà għall-produzzjoni tal-materjali bażiċi mill-agrokarburanti, hekk ukoll għandha tagħmel għall-għalf, l-injam, il-prodotti tal-injam eċċ. Minkejja li għadna rridu naraw jekk ir-reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art u sistemi amministrattivi dgħafja hux ser iħalluna nibnu u nimplimentaw ftehim ta’ monitoraġġ kontinwu tal-kriterji tas-sostenibbiltà, il-kriterji innifishom huma approċċ importanti u tajjeb. Sabiex il-kriterji tas-sostenibbiltà jkunu effettivi jeħtieġ li jiġu introdotti fir-regoli tal-kummerċ dinji b’mod vinkolanti.

4.6.   Id-deforestazzjoni hija eżempju ta’ kif il-komunità internazzjonali li hija bbażata fuq il-liberalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni malajr tistabbilixxi l-limiti tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġlieda globali kontra l-isfruttament ekoloġiku u soċjali. Għad m’hemmx strumenti globali u effettivi biżżejjed, għalhekk nitolbu lill-UE sabiex għall-inqas tiżgura li fil-qafas tal-WTO, l-inizjattivi li jittieħdu f’dan il-qasam ma jitqiesux bħala “ostakli kummerċjali.”

4.7.   Il-Kumitat jifhem il-fatt ukoll li għad m’hemmx kunċetti ċari fir-rigward tal-finanzjament tal-miżuri f’dan il-qasam. In-negozjati dwar il-ħarsien tal-klima għandhom jintużaw għal dan il-għan.

4.8.   Madanakollu, fil-futur l-approċċ m’għandux ikun ibbażat fuq trasferiment tal-flus skont kriterji partikolari (ara fuq). Qabel ma nkunu nistgħu nikkonkludu n-negozjati b’suċċess, il-pajjiżi kkonċernati għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema. Mingħajr drittijiet tal-parteċipazzjoni demokratiċi u li jaħdmu, li jippermettu lill-popolazzjoni lokali li ssemma’ leħinha dwar l-iżvilupp fir-reġjun, mingħajr rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni (li jammontaw għal madwar 60 miljun) u tal-bdiewa ż-żgħar u mingħajr sistemi amministrattivi li jaħdmu mingħajr korruzzjoni, ser ikun impossibbli li nwaqqfu l-isfruttament illegali u li niżviluppaw strateġiji xierqa ta’ żvilupp sabiex niġġilduh. Dwar dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma ssemmi kważi xejn u dan għandu jitqies bħala punt dgħajjef tagħha.

4.9.   Il-KESE huwa tal-fehma li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti b’xorti ħażina huma eżempju li juri li, għall-inqas fir-reġjuni kkonċernati, il-politika tal-iżvilupp falliet. Ma ġewx żviluppati mudelli innovattivi, sostenibbli u xierqa għar-reġjuni li setgħu ħarsu lir-riżorsi naturali mill-istat li jinsabu fih illum. Madanakollu qatt ma huwa tard wisq li nippromovu approċċi ġodda flimkien mal-popolazzjoni lokali u għall-ġid tagħha. Il-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tal-Kummissjoni għandhom jinkludu inizjattivi xierqa għall-iżvilupp ta’ strutturi demokratiċi u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. Il-KESE lest li jagħti l-għajnuna tiegħu sabiex dan ikun jista’ jseħħ.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq tal-Komunità l-injam u prodotti tal-injam”, Opinjoni tal-KESE dwar din il-proposta NAT/420 APA R/CESE 543/2009.

(2)  Il-Brażil, l-Indoneżja, is-Sudan, Myanmar, iż-Żambja, it-Tanżanija, in-Niġerja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iż-Żimbabwe, il-Venezwela.

(3)  Reviżjoni ta’ nofs it-term L-ekonomija tal-ekosistimei u l-bijodiversità (TEEB), is-Sur Pavan Sukhdev.

(4)  Pereżempju l-proġett ta’ kooperazzjoni bejn l-Università ta’ Hohenheim (il-Ġermanja) u l-Universita Statali ta’ Leyte (il-Filippini) intitolat “Rainforestation farming”. Għal aktar informazzjoni: http://troz.uni-hohenheim.de/innovations/InnovXtr/RFFS/.

(5)  L-istess jgħodd ukoll għall-agrokarburanti eċċ.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti”

COM(2008) 767 finali

(2009/C 277/13)

Rapporteur: Dr BREDIMA

Nhar id-19 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti

COM(2008) 767 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-Rapporteur kienet Dr Bredima.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’187 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli li bihom l-UE tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex fid-dinja kollha l-bastimenti li jkunu temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ikunu ttrattati b’mod aktar sikur u li jħares aktar l-ambjent.

1.2.   Il-KESE jinnota li r-riċiklaġġ jagħti kontribut pożittiv għall-konservazzjoni globali tal-enerġija u r-riżorsi u jirrikonoxxi li, jekk jiġi ttrattat kif xieraq, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti jista’ jsir industrija ekoloġika u sostenibbli.

1.3.   Il-KESE jappoġġja ratifikazzjoni u implimentazzjoni rapida tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (2009). L-Istati Membri tal-UE u l-Istati li jirriċiklaw għandhom jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri kollha għad-dħul fis-seħħ bikri tagħha.

1.4.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-inklużjoni ta’ regoli għal żarmar ekoloġiku ta’ bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn tal-gvern fil-miżuri taż-żarmar tal-bastimenti.

1.5.   Il-KESE jemmen li huwa importanti li jittieħdu azzjonijiet sabiex jiġu kkumpensati l-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali ħżiena f’ħafna mill-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ fl-Ażja tan-Nofsinhar billi dawn itejbu l-ħidma tagħhom filwaqt li jinżamm id-dħul għall-komunitajiet lokali minn impjiegi u servizzi pprovduti.

1.6.   Għandha tiżdied il-kapaċità taż-żarmar sabiex tissodisfa d-domanda li dejjem tikber u għandha tirnexxi l-isfida li dan isir b’mod sikur u sostenibbli. Mod kif jiġu koperti l-ispejjeż ħafna ogħla tax-xogħol minħabba ż-żarmar fit-tarzni Ewropej jista’ jinħoloq permezz ta’ azzjoni regolatorja flimkien ma’ inizjattivi tal-industrija.

1.7.   Il-KESE jirrealizza li fil-ġejjieni qarib il-metodu “beaching”, fejn il-bastiment jittella’ fuq ix-xtajta għaż-żarmar, se jibqa’ jkun il-metodu preferut. Għalhekk, għandhom jitjiebu l-kundizzjonijiet attwali sabiex it-tarzni jitħaddmu b’mod sikur u li jħares l-ambjent. Madankollu, il-pressjoni żejda biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-faċilitajiet fin-Nofsinhar tal-Ażja m’għandux ikollhom l-effett negattiv li l-problema tiġi “esportata” fuq il-bajjiet ta’ pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw, li jwassal għal tkabbir mhux ikkontrollat ta’ tarzni ta’ kwalità baxxa fl-Ażja u l-Afrika.

1.8.   Il-KESE jipproponi li fil-ftehimiet marittimi jew kummerċjali bilaterali tiegħu mal-pajjiżi Ażjatiċi kkonċernati għandhom jissemmew sew il-kundizzjonijiet taż-żarmar u r-riċiklaġġ, eż. il-ftehima marittima li qed titfassal bejn l-UE u l-Indja għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqajjem din il-kwistjoni fuq livell politiku.

1.9.   Il-KESE jemmen li ż-żarmar u r-riċiklaġġ huma kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali għall-intrapriżi. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-tarzni li jibnu l-bastimenti jassumu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tar-rimi tal-bastimenti. L-operaturi tal-bastimenti, flimkien mat-tarzni, għandhom jikkontribwixxu sabiex jiżguraw li jkun hemm informazzjoni disponibbli għat-tarzni ta’ riċiklaġġ dwar il-materjali u l-kundizzjonijiet perikolużi kollha abbord il-bastimenti tagħhom.

1.10.   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ mudell ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata (IMS) għaċ-ċertifikazzjoni internazzjonalment indipendenti tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti sabiex ir-riċiklaġġ isir b’mod sikur u li ma jkunx ta’ ħsara għall-ambjent b’konformità mal-Konvenzjoni futura tal-IMO.

1.11.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-istudju tal-Kummissjoni dwar fond ta’ riċiklaġġ għandu jikkunsidra l-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u tar-“responsabbiltà tal-produttur” tal-liġi Ewropea u jqis il-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-istat. Ta’ min jesplora aktar ukoll kif fond bħal dan jista’ jagħti kontribut fil-ksib tal-objettivi tal-Konvenzjoni.

1.12.   Il-KESE jagħraf li jista’ jkun hemm oġġezzjoni għat-twaqqif ta’ tarzni għar-riċiklaġġ ta’ bastimenti fl-UE minn komunitajiet lokali minħabba kwistjonijiet ambjentali. Madankollu, jekk it-tarzni eżistenti jiġu użati għal dan l-iskop u jekk jissodisfaw, kif għandu jkun, l-istandards tal-UE, dawk internazzjonali u dawk nazzjonali, il-ħidma tagħhom tista’ tkun aċċettabbli peress li jkunu qed jipprovdu opportunitajiet sinifikanti ta’ xogħol. Dawn il-parametri għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa.

1.13.   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal inċentivi u premjijiet ta’ politika, eż. “Premjijiet għal Baħar Nadif”, għall-proprjetarji ta’ bastimenti u t-tarzni li jużaw prattiki eżemplari fir-riċiklaġġ tal-bastimenti.

2.   Daħla

2.1.   L-aspetti ambjentali u soċjali tal-prattiki taż-żarmar tal-bastimenti fil-bajjiet tal-Ażja tan-Nofsinhar huma sors ta’ tħassib globali, b’mod partikulari fl-Ewropa. Dan l-aħħar, il-Kummissarju għall-Ambjent, is-Sur Dimas, sejjaħ għal proċedura u kontrolli aħjar fuq il-bastimenti li jintbagħtu fit-tarzni taż-żarmar (breaking yards) fl-Ażja tan-Nofsinhar sabiex ikun żgurat li dawn jiġu żarmati kif xieraq. Stimi riċenti juru li fl-2009 ser ikunu ntremew elf bastiment, tliet darbiet aktar minn kemm intremew fl-2008. Din iż-żieda qed iżżid il-pressjoni fuq il-kapaċità tar-riċiklaġġ. Għandha tiżdied il-kapaċità taż-żarmar sabiex tissodisfa d-domanda li dejjem tikber u għandha tirnexxi wkoll l-isfida li dan isir b’mod sikur u sostenibbli.

2.2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti” (1) hija bbażata fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-“Green Paper dwar żarmar aħjar tal-bastimenti (2007)” (2). Il-KESE laqa’ l-Green Paper (3) bħala inizjattiva tant mistennija. Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni urġenti dwar iż-żarmar tal-bastimenti (4).

2.3.   Fl-istess ħin, qed tittieħed azzjoni internazzjonali konkreta sabiex tiġi ttrattata dil-kwistjoni. L-IMO żviluppat Konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li jħares l-Ambjent (minn issa ’l quddiem “il-Konvenzjoni”) li mistennija tiġi adottata f’Mejju 2009. L-approċċ tal-Konvenzjoni lejn il-bastimenti jindirizza kull fażi fil-ħajja ta’ bastiment, “mill-bidu sal-aħħar nett”. Il-Konvenzjoni qed tiffoka fuq it-tħaddim tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti b’mod sikur u li jħares l-ambjent, mingħajr ma tikkomprometti l-effiċjenza tas-sigurtà u tat-tħaddim tal-bastimenti. Bil-provvediment ta’ kontroll tajjeb u mekkaniżmu ta’ infurzar, hija qed tipprova tistabbilixxi livell ta’ kontroll ekwivalenti għal dak tal-Konvenzjoni ta’ Bażel (5).

2.4.   Il-grupp ta’ ħidma konġunt ILO/IMO/Konvenzjoni ta’ Bażel dwar l-iskreppjar tal-bastimenti huwa evidenza ta’ koperazzjoni internazzjonali. It-tliet organizzazzjonijiet żviluppaw flimkien il-programm globali għal riċiklaġġ sostenibbli tal-bastimenti sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà futura tal-industrija u t-titjib fis-saħħa, is-sigurtà u l-kundizzjonijiet ambjentali tal-ħaddiema fir-reġjun tal-Ażja tan-Nofsinhar.

3.   Komunikazzjoni dwar strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti

3.1.   Il-Komunikazzjoni dwar strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti ma tipprovdix proposta leġiżlattiva konkreta. Hija tipproponi numru ta’ miżuri biex jitjiebu kemm jista’ jkun malajr il-kundizzjonijiet għaż-żarmar tal-bastimenti, inkluż il-perijodu proviżjorju qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni.

3.2.   L-istrateġija qed tipproponi li l-Kummissjoni teżamina l-fattibbiltà ta’ numru ta’ għażliet sabiex tkompli tavvanza l-objettivi tal-Konvenzjoni.

3.3.   L-evalwazzjoni tal-impatt (6) mehmuża mal-Komunikazzjoni tikkonkludi li iktar hemm preferenza għal approċċ ta’ politika integrata li tgħaqqad għażla ta’ miżuri leġiżlattivi u nonleġiżlattivi, għax din l-unika għażla li tikseb impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku pożittiv fuq medda qasira, medja u twila ta’ żmien.

4.   Kummenti Generali

4.1.   Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jappoġġja l-firxa ta’ miżuri possibbli li bihom l-UE tkun tista’ tikkontribwixxi għat-trattament tal-bastimenti madwar id-dinja, li temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li jkun aktar sikur u li jħares aktar l-ambjent. Il-Komunikazzjoni hija xierqa u f’waqtha, peress li madwar 19 % tal-flotta dinjija ttajjar il-bandiera ta’ Stat Membru taż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea).

4.2.   Il-produzzjoni ta’ azzar ġdid minn azzar riċiklat tirrikjedi biss terz tal-enerġija użata għall-produzzjoni ta’ azzar minn materji primi. Għalhekk, ir-riċiklaġġ jagħti kontribut pożittiv għall-konservazzjoni globali tal-enerġija u r-riżorsi u, jekk jiġi ttrattat kif xieraq, ir-riċiklaġġ tal-bastimenti jista’ jsir industrija ekoloġika u sostenibbli.

4.3.   It-tendenza li jiġu żarmati mijiet ta’ bastimenti kull sena se tkompli bit-tnaqqis gradwali ta’ bastimenti b’buq wieħed sal-2010 (u l-2015). Barra minn hekk, u b’konsegwenza tal-kriżi finanzjarja u tat-trasport marittimu, it-trasportaturi tal-massa l-qodma qed jiġu abbandunati. Attwalment 157 bastiment li jammontaw għal 5,5 miljun tunnellata qed jiġu evalwati mill-ġdid għal żarmar eventwali. L-impatti soċjali u ambjentali ta’ dan ser ikompli jiżdied jekk mhux jiggrava.

4.4.   Aktar minn 80 % tal-bastimenti jiżżarmaw f’tarzni fuq il-bajjiet tal-Indja, il-Bangladesh, il-Pakistan u t-Turkija. Fil-preżent il-Bangladesh huwa l-aktar pajjiż li jżarma bastimenti. Il-maġġoranza jsegwu l-metodu fejn il-bastiment jittella’ fuq ix-xtajta għaż-żarmar (“beaching”). Dan huwa l-metodu li jinvolvi l-inqas spejjeż, iżda fl-istess ħin l-aktar li jikkawża ħsara fuq l-ambjent. Dan il-metodu jħalli piż kbir fuq il-ħajja tal-bniedem u jwassal għal ħafna mard li ġej minn esponiment għal sustanzi tossiċi. Il-KESE jirrealizza li fil-ġejjieni qarib, dan il-metodu se jibqa’ l-metodu preferut. Għalhekk, għandhom jitjiebu l-kunidzzjonijiet attwali sabiex it-tarzni jitħaddmu b’mod sikur u li jħares l-ambjent.

4.5.   Il-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali ħżiena fit-tarzni fl-Ażja tan-Nofsinhar huma responsabbli għal kompetizzjoni inġusta mal-istess tip ta’ tarzni fl-Ewropa. Barra minn hekk, id-domanda lokali għolja għall-azzar riċiklat toħloq problema oħra għall-kompetittività Ewropea.

4.6.   Iż-żarmar tal-bastimenti huwa proċess impenjattiv li jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet mit-tneħħija tat-tagħmir kollu għall-qtugħ u r-riċiklaġġ tal-istruttura. Filwaqt li ż-żarmar tal-bastimenti fit-tarzni ta’ pajjiżi industrijalizzati huwa regolat, l-attivitajiet fuq il-bajjiet tal-Ażja huma anqas suġġetti għal kontroll u spezzjoni. Studju riċenti ikkalkula li 20 % tal-ħaddiema impjegati fil-bajjiet fejn jiżżarmaw il-bastimenti fil-Bangladesh huma tfal taħt il-15-il sena. Bosta Konvenzjonijiet tal-ILO dwar kundizzjonijiet tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema bilkemm huma applikati f’dawn il-pajjiżi. In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ ġestjoni sikura u rimi ta’ skart li ma jikkawżax ħsara lill-ambjent ikomplu jkattru l-problema.

4.7.   Il-KESE jtenni li l-faqar strutturali u problemi soċjali u legali oħra huma marbuta mal-assenza jew in-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ livelli minimi ta’ sigurtà fuq ix-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi mhumiex lesti jgħolli l-istandards u jinterferixxu mal-prezzijiet tar-riċiklaġġ għax jibżgħu li jitilfu sors kbir ta’ dħul. Iżda dawn il-pajjiżi għandhom jitolbu lill-operaturi tat-tarzna biex jinvestu fit-titjib tal-faċilitajiet u biex jagħtu lill-ħaddiema tagħhom il-protezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jistħoqqilhom. Fin-negozjati futuri ma’ dawn il-pajjiżi, l-UE għandha tħeġġeġ l-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards internazzjonali, kif ukoll l-infurzjar effettiv tagħhom, flimkien mal-bini tal-kapaċità.

4.8.   L-opinjoni tal-KESE (7) dwar il-Komunikazzjoni rigward “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, saħqet fuq in-nuqqas serju ta’ faċilitajiet ta’ żarmar madwar id-dinja kollha li jkunu kompatibbli mal-prinċipji tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. Għalhekk, l-objettiv tal-UE u l-isforzi internazzjonali għandhom jiffukaw fuq azzjonijiet minn Stati tar-riċiklaġġ fl-Ażja tan-Nofsinhar sabiex dawn il-faċilitajiet jilħqu standards li huma aċċettabbli fil-livell internazzjonali.

4.9.   Il-KESE jinnota li l-Konvenzjoni, flimkien mal-Linji Gwida ta’ implimentazzjoni tagħha, tipprova tiżgura livell ta’ kontroll u ta’ infurzar ekwivalenti għal dak tal-Konvenzjoni ta’ Bażel u għandha tiġi appoġġjata bis-sħiħ.

4.10.   Fil-kuntest tal-approċċ “mill-bidu sal-aħħar nett” għaż-żarmar tal-bastimenti, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-tarzni li bnew il-bastimenti li għandhom jiġu żarmati jassumu r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tar-rimi tal-istess bastimenti. Il-maġġoranza l-kbira tal-flotta kummerċjali dinjija qed tinbena f’tarzni Ġappuniżi, Koreani u Ċiniżi. Skont il-katina ta’ responsabbiltà ta’ trasport marittimu ta’ kwalità, kull parteċipant iġorr il-piż tiegħu. B’hekk ir-responsabbiltà tat-tarzni għall-prodott tagħhom titpoġġa fuq l-istess livell ta’ responsabbiltajiet li għandhom il-produtturi tal-vetturi u tal-ajruplani, li wkoll huma responsabbli għall-prodotti tagħhom.

4.11.   Huwa u jindirizza din il-kwistjoni, il-KESE jrid isib bilanċ bejn il-parametri li qegħdin f’kunflitt. Minn naħa, il-kundizzjonijiet ambjentali u soċjali ħżiena li jeżistu fit-tarzni ta’ riċiklaġġ fl-Ażja. Min-naħa l-oħra, it-theddida tal-qgħad li qed jiffaċċjaw il-komunitajiet lokali fil-pajjiżi tal-Ażja tan-Nofsinhar, li jgħixu mid-dħul tat-tarzni ta’ riċiklaġġ. Għalhekk, it-titjib tal-kundizzjonijiet m’għandux ikollu l-effett negattiv li l-problema tiġi “esportata” fuq il-bajjiet ta’ pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw.

4.12.   Ir-rendiment imtejjeb tal-proċess taż-żarmar tal-bastimenti qed jiġi indirizzat ukoll mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Standardizzazzjoni (ISO). L-istandards internazzjonali volontarji tal-futur (ISO 30000 u ISO 30003), li se jipprovdu skema għall-verifika u ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, għandhom l-għan li jappoġġjaw il-ħidma tal-IMO, l-ILO u l-Konvenzjoni ta’ Bażel, filwaqt li jevitaw li jsir xogħol doppju.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Implimentazzjoni bikrija tal-Konvenzjoni tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti tal-IMO

5.1.1.   Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li l-Konvenzjoni mhux se tiġi infurzata qabel l-2015. Il-KESE jappoġġja ratifikazzjoni u implimentazzjoni rapida tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri tal-UE u l-Istati tar-riċiklaġġ għandhom jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri kollha għad-dħul fis-seħħ bikri tagħha. Il-KESE jaqbel li l-gvernijiet għandhom jiġu mħeġġa japplikaw l-istandards tekniċi tal-Konvenzjoni fuq bażi volontarja fil-perijodu proviżjorju malli dan ikun possibbli mil-lat operattiv.

5.1.2.   Il-KESE jappoġġja t-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE permezz ta’ Regolament, li jinkludi l-elementi bażiċi tagħha, kif kien il-każ tal-Konvenzjoni AFS tal-IMO (8). Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha teżamina mezzi u modi kif tħajjar lill-Istati li jirriċiklaw biex jieħdu azzjoni simili, jiġifieri li jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni kemm jista’ jkun malajr.

5.2.   Żarmar ekoloġiku ta’ bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn (tal-gvern)

5.2.1.   Il-KESE jinnota li l-Konvenzjoni mhux se tapplika għall-bastimenti kollha, b’mod partikulari l-bastimenti tal-gwerra u l-bastimenti li huma proprjetà tal-Istat. Madankollu, dawn il-bastimenti għandhom jiġu mitluba jaġixxu b’mod konsistenti mal-Konvenzjoni. Għalhekk, il-Kumitat qed jipproponi l-inklużjoni ta’ dawn il-bastimenti fil-miżuri futuri ta’ riċiklaġġ tal-UE. Pass bħal dan se jipprovdi ħafna impjiegi għat-tarzni tal-UE, filwaqt li jelimina wħud li jikkawżaw it-tniġġis mill-baħar. Il-KESE jissuġġerixxi li għandu jiġi indirizzat ukoll ir-reġistru tat-tniġġis ambjentali tal-bastimenti tal-gwerra. Barra minn hekk, jemmen li bastimenti żgħar ta’ inqas minn 500 TG għandhom jintbagħtu fit-tarzni tal-UE biex jiġu żarmati.

5.2.2.   Bħalissa, il-faċilitajiet għaż-żarmar tal-bastimenti fl-UE u f’pajjiżi oħra tal-OECD m’għandhomx biżżejjed kapaċità għall-bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn tal-gvern biex jiġu dekommissjonati tul l-10 snin li ġejjin. Il-KESE jikkunsidra l-impenn ta’ Harland and Wolff Heavy Industries (9) fiż-żarmar tal-bastimenti bħala eżempju tajjeb ta’ kif tarzni tal-bastimenti u dawk għat-tiswija tal-bastimenti jistgħu jinbidlu f’faċilitajiet ta’ żarmar. Il-KESE jirrealizza li, minkejja l-kriżi ekonomika u l-qgħad attwali, xi komunitajiet lokali tal-UE jistgħu joġġezzjonaw it-twaqqif ta’ tarzni għar-riċiklaġġ għal raġunijiet ambjentali. Madankollu, jekk it-tarzni eżistenti jiġu użati kif preskritt skont il-Konvenzjoni, il-ħidma tagħhom tista’ tkun aċċettabbli, dejjem jekk dawn ikunu qed jipprovdu opportunitajiet ta’ xogħol.

5.2.3.   Fil-ġejjieni qarib, l-Ażja tan-Nofsinhar ser jibqa’ jkollha vantaġġ kompetittiv, filwaqt li l-Ewropa se tkompli tiffaċċja l-problema tar-rimi ta’ bastimenti tal-gwerra u tal-gvern. L-UE għandu jkollha dispożizzjonijiet għaż-żarmar ta’ dawn il-bastimenti fil-faċilitajiet tal-OECD, jew għall-inklużjoni ta’ klawżoli dwar ir-rimi fl-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom fi kwalunkwe ftehima ta’ bejgħ ta’ vapuri tal-gwerra lil Stati li mhumiex membri tal-UE.

5.3.   X’tista’ tagħmel l-industrija fil-perijodu interim

5.3.1.   Il-KESE huwa mħasseb daqs il-Kummissjoni dwar il-prospetti tal-perijodu interim sad-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni. Jaqbel li l-aktar mod faċli u rapidu biex jinbidlu l-prattiki huwa li jittieħed impenn volontarju mill-partijiet interessati rilevanti.

5.3.2.   Il-KESE jemmen li r-riċiklaġġ huwa kwistjoni ta’ responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tfassal inċentivi ta’ politika, eż. “Premijiet għal Baħar Nadif”, għall-proprjetarji ta’ bastimenti u t-tarzni li jużaw prattiki eżemplari fir-riċiklaġġ tal-bastimenti. L-inċentivi għandhom joffru benefiċċji attraenti li jkunu ta’ min jiksibhom.

5.3.3.   Il-KESE japprezza l-involviment pożittiv tal-organizzazzjonijiet tal-industrija u tal- organizzazzjonijiet nongovernattivi u l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp tal-Konvenzjoni. Jilqa’ wkoll il-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-industrija identifikaw serje ta’ miżuri (10) li l-proprjetarji tal-bastimenti għandhom jissodisfaw fir-rigward taż-żarmar sikur u ekoloġiku tal- vapuri. Huwa mistenni li aktar kumpaniji tat-trasport marittimu se jagħżlu, jew se jiġu mħeġġa jagħżlu, li jieħdu impenji għal tiġrif ekoloġiku tal-bastimenti tagħhom. Madankollu, il-proċess tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jinvolvi ħafna partijiet oħra u għalhekk hemm bżonn ta’ azzjoni komplementari min-naħa tagħhom, b’mod speċjali tat-tarzni, sabiex il-bini ta’ bastimenti ekoloġiċi jiġi aċċettat f’kuntratt. L-użu tal-kuntratt standard għall-“bejgħ u x-xiri tar-riċiklaġġ tal-bastimenti”, bħalma huwa d-DEMOLISHCON żviluppat mill-BIMCO (11), u impenji kuntrattwali meħuda minn tarzni sabiex jiġu applikati r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni fil-perijodu proviżorju, se jkunu pass sinifikanti ’il quddiem.

5.4.   Infurzar aħjar tar-regoli dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar

5.4.1.   Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika gwida sabiex ittejjeb l-infurzar tar-regoli attwali tal-ġarr tal-iskart fuq il-baħar fir-rigward tal-bastimenti li waslu fl-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, kif ukoll li timpenja ruħha f’koperazzjoni multilaterali u li teżamina l-fattibbiltà ta’ regoli dwar lista ta’ bastimenti li huma lesti għar-rimi.

5.4.2.   Fil-liġi internazzjonali tal-ġarr tal-iskart fuq il-baħar huwa rikonoxxut li bastiment jista’ jitqies bħala skart, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Bażel, u fl-istess ħin jista’ jitqies bħala bastiment skont regoli internazzjonali oħra. Jeżistu fehmiet diverġenti dwar meta bastiment isir “skart” u jekk il-bastiment jistax jiġi definit bħala “dak li għandu effett ta’ tniġġis” u l-proprjetarju bħala “dak li qed iniġġes” qabel ma jibda l-proċess ta’ żarmar. Qed jinbiegħu bastimenti minn kumpaniji tat-trasport marittimu lil xerrejja intermedjarji li ta’ spiss ibiddlu l-bandiera tagħhom, u dawn il-bastimenti qed jintbagħtu fit-tarzni ta’ riċiklaġġ fejn il-prezzijiet tal-azzar riċiklat għal kull LDT (Light Displacement Tonne) ivarja bejn 150–700 dollaru Amerikan. Fil-prattika, ħafna mill-operaturi tal-bastimenti rari jkollhom x’jaqsmu, direttament jew indirettament, mal-faċilitajiet ta’ żarmar. Madankollu, flimkien mat-tarzni, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw li hemm informazzjoni disponnibbli dwar kwalunkwe materjal jew kundizzjonijiet perikolużi fuq il-bastimenti tagħhom, u li jiddeterminaw il-kundizzjoni ġenerali tal-bastimenti meta dawn jgħaddu f’idejn ħaddieħor.

5.4.3.   Normalment il-bastimenti jintbagħtu għaż-żarmar meta ma jibqagħlhomx valur kummerċjali. L-età ta’ bastimenti ma tirriflettix il-livell ta’ manutenzjoni tal-bastiment jew il-vijabbiltà kummerċjali tiegħu li tiddependi fuq il-varjazzjonijiet tas-suq tal-merkanzija. Filwaqt li jkun eżerċizzju sempliċi li tinżamm lista ta’ bastimenti ’il fuq minn ċertu età, mhux se tkun biċċa xogħol faċli biex jiġi stabbilit meta l-bastimenti jkunu waslu għaż-żarmar u biex tittieħed azzjoni ta’ kontroll qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni. Fi kwalunkwe każ, bastimenti qodma u ta’ riskju għoli għandhom jiġu kkontrollati mill-qrib sabiex, qabel jiżżarmaw, tiġi żgurata l-konformità tal-obbligi.

5.5.   Il-kwistjoni tal-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet ta’ żarmar

5.5.1.   Il-Konvenzjoni se tqiegħed ir-responsabbiltà fuq l-Istati tal-bandiera, l-Istati tal-port u l-Istati li jirriċiklaw. Din mhux se tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet. Madankollu, il-linji gwida komplementari se jipprovdu din l-iskema taħt il-kontroll tal-Istati li jirriċiklaw. L-objettivi tal-linji gwida tal-IMO jistgħu jittejbu permezz tal-applikazzjoni tal-istandards rilevanti tal-ISO li qed jiġu żviluppati.

5.5.2.   Il-KESE jinnota li l-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (EMSA) kienet ikkummissjonat studju (12) għall-iżvilupp ta’ mudell ta’ sistema ta’ ġestjoni integrata (IMS) għaċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-bastimenti, sabiex ir-riċiklaġġ isir b’mod sikur u li jħares l-ambjent. Din l-IMS Ewropea għandha sservi ta’ għodda biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-IMO. Il-KESE jinnota li dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni għandu jiġi rikonoxxut internazzjonalment u dan jista’ jiġi garantit biss permezz ta’ skema indipendenti ta’ spezzjoni.

5.6.   Ikun żgurat finanzjament sostenibbli

5.6.1.   Fl-2007, il-Kummissjoni stqarret (13) li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjoni dwar jekk għandux jingħata jew le appoġġ finanzjarju dirett lill-faċilitajiet għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti fl-UE jew lill-proprjetarji tal-bastimenti li jibagħtu l-bastimenti tagħhom f’tarzni ekoloġiċi, kemm għal żarmar komplet jew inkella għal dekontaminazzjoni.

5.6.2.   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tevalwa l-fattibbiltà tal-għażla ta’ sistema obbligatorja ta’ finanzjament internazzjonali għal żarmar ekoloġiku tal-bastimenti (“fond għaż-żarmar tal-bastimenti”) fuq il-bażi tar-riżultati ta’ studju. Il-KESE jistenna li l-istudju jikkunsidra l-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u tar-“responsabbiltà tal-produttur” tal-liġi Ewropea u jemmen li l-problema dwar il-finanzjament taż-żarmar sikur u sostenibbli tal-bastimenti mhux se tissolva sakemm isir qbil dwar tibdiliet adegwati li jirriflettu kif xieraq it-tqassim tal-partijiet interessati rilevanti fil-katina tar-responsabbiltà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bastimenti.

5.6.3.   L-IMO diġà waqqfet Fond Internazzjonali għar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti volontarju sabiex tippromovi l-ġestjoni sikura u mhux ta’ ħsara għall-ambjent tar-riċiklaġġ tal-bastimenti permezz tal-attivitajiet ta’ koperazzjoni tekniċi tal-IMO. Il-proprjetarji tal-bastimenti għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu kontribuzzjonijiet għal dan il-fond. Ta’ min jesplora aktar kif dan il-fond jista’ jippromovi l-objettivi tal-Konvenzjoni. Fond tal-UE għall-istess skopijiet se jkollu l-problema ta’ kif se jiġi ffinanzjat għax is-sussidji għaż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti mhumiex iġġustifikati mil-liġi tal-UE.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 767 finali.

(2)  COM(2007) 269 finali.

(3)  CESE 1701/2007, Rapporteur: is-Sur Adams.

(4)  P6_TA(2008)0222.

(5)  Konvenzjoni ta’ Bażel dwar il-Kontroll tal-Movimenti Transkonfinali tal-Iskart Perikoluż u r-Rimi tiegħu.

(6)  SEC(2008) 2847 – Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni.

(7)  CESE 759/2008, Rapporteur: Dr Bredima.

(8)  Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll tas-sistemi ta’ anti-fouling ta’ ħsara fuq il-bastimenti (Regolament 782(2003) dwar il-projbizzjoni ta’ komposti organotini fuq il-bastimenti).

(9)  Dan l-aħħar, il-Harland & Wolff f’Belfast ingħataw liċenzja għall-ġestjoni tal-iskart għaż-żarmar tal-bastimenti u strutturi tal-baħar u bħalissa qegħdin fil-proċess li jlestu l-irtirar u r-riċiklaġġ tal-MSC Napoli.

(10)  Miżuri proviżjorji għal proprjetarji ta’ bastimenti li għandhom il-ħsieb li jbiegħu bastimenti għar-riċiklaġġ (BIMCO, IACS, ICS, INTERCARGO, INTERTANKO, IPTA, OCIMF).

(11)  BIMCO - Il-Kunsill Marittimu Baltiku u Internazzjonali.

(12)  Studju dwar iċ-Ċertifikazzjoni tal-Faċilitajiet ta’ Riċiklaġġ tal-Bastimenti, Rapport Finali, Settembru 2008.

(13)  COM(2007) 269 finali.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz”

COM(2008) 812 finali - 2008/0229 COD

(2009/C 277/14)

Rapporteur: is-Sur Francis DAVOUST

Nhar l-20 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istadju II ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-forniment tal-karburant tal-karozzi għall-passiġġieri fi stazzjonijiet tas-servizz

COM(2008) 812 finali - 2008/0229 COD.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April. Ir-rapporteur kien is-Sur Francis Davoust.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’194 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ din il-proposta għal Direttiva li ssegwi fuq l-impenji li ttieħdu fil-qafas:

tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja;

tal-proposta tal-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva Nru 98/70/KE fuq il-kwalità tal-petrol u tad-diżil bl-għan li tiffaċilita l-użu tal-bijokarburanti u l-bijoetanol b’mod partikulari billi tnaqqas ir-rekwiżiti tal-pressjoni tal-fwar tal-petrol. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan jista’ jwassal għal iktar emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi u indikat li t-II Stadju PVR se jiġi propost sabiex jikkumpensa għal kwalunkwe żieda fl-emissjonijiet;

tad-dikjarazzjoni li takkumpanja d-Direttiva l-ġdida fuq il-kwalità tal-arja ta’ barra fejn il-Kummissjoni għarfet l-importanza li jiġi trattat it-tniġġis tal-arja mis-sors sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-kwalità tal-arja u pproponiet bosta miżuri ġodda tal-Komunità bbażati fuq is-sors, inkluż it-II Stadju PVR.

1.2.   Il-KESE jfakkar li d-Direttiva 94/63/KE tikkonċerna l-irkupru tal-fwar tal-petrol li joħroġ matul il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol). Il-fwar tal-petrol iġġenerat meta stazzjon ta’ servizz jirċievi kunsinna ġdida ta’ petrol jitreġġa’ lura għat-tank tat-triq jew riżerva mobbli u lura lejn it-terminal fejn jista’ jiġi distribwit mill-ġdid.

1.3.   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinstalla tagħmir PVR tal-Istadju II:

a.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li ġew irranġati mill-ġdid u li għandhom fluss ta’ petrol ta’ aktar minn 500 m3 fis-sena;

b.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li ġew irranġati sostanzjalment bi fluss ta’ petrol ta’ aktar minn 500 m3 kif ukoll stazzjonijiet ikbar (jiġifieri bi fluss ta’ aktar minn 3 000 m3 fis-sena);

c.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ta’ għażla b) u stazzjonijiet ta’ servizz li jinsabu f’akkomodazzjoni residenzjali jew taħtha;

d.

fl-istazzjonijiet ta’ servizz ta’ għażla c) b’monitoraġġ awtomatiku tat-tagħmir tal-Istadju II kollu li jillimita l-bejgħ tal-petrol jekk it-tagħmir ma jkunx qed jaħdem tajjeb.

1.4.   L-evalwazzjoni dettaljata tal-għażliet hija inkluża fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta u hija disponibbli fuq is-sit (1).

1.5.   Il-KESE jipproponi li din id-Direttiva tiġi adottata bl-emendi proposti fuq Artikoli 3, 4 u 5.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   L-għan tal-proposta għal Direttiva huwa l-irkupru tal-fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt li l-passiġġieri jkunu qed jimlew il-karozzi bil-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol).

2.2.   Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-emissjonijiet ta’ komposti volatili organiċi li jinsabu fil-petrol jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja lokali u reġjonali (il-benżin u l-ożonu) li għalihom ġew stabbiliti standards u għanijiet fil-livell komunitarju. L-ożonu fil-livell tal-art huwa sustanza li tniġġes b’mod li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jokkupa t-tielet post fil-lista ta’ gassijiet b’effett ta’ serra l-iktar importanti, filwaqt li l-benżin huwa sustanza karċinoġena. L-idrokarburi jinqasmu f’diversi gruppi skont l-istruttura molekulari tagħhom, pereżempju lineari jew tonda. L-idrokarburi aromatiċi għandhom struttura tonda u mhux saturata b’element bażiku magħmul minn sitt atomi tal-karbonju. L-iktar wieħed bażiku fost l-idrokarburi huwa l-benżin C6 H6. Bil-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, fl-2006, il-Parlament u l-Kummissjoni stabbilixxew limitu Ewropew fuq l-ammont ta’ benżin li wieħed jista’ jkun espost għalih fis-sena, b’medja annwali ta’ 9 µg/m3, bil-mira li sal-2010 tonqos għal 5 µg/m3. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li hemm bżonn nipproteġu kemm il-konsumaturi li spiss jimlew il-vetturi tagħhom fl-istazzjonijiet kif ukoll il-ħaddiema li jaħdmu fil-post ta’ kuljum.

2.3.   Is-sors prinċipali tal-emissjonijiet huwa l-fwar li joħroġ mit-tank tal-petrol tal-vetturi jew waqt li l-passiġġieri jkunu qed jimlew il-vetturi tagħhom bil-petrol. It-tibdil reċenti li ġie introdott fid-Direttiva dwar il-kwalità tal-petrol jippermetti ammont ikbar ta’ etanol fil-petrol. Dan ikabbar il-problema tal-emissjonijiet għax l-etanol iżid il-pressjoni tal-fwar tal-petrol fit-tankijiet. Għalhekk wasal iż-żmien biex nikkunsidraw mezzi ġodda ta’ kif innaqqsu l-emissjonijiet.

2.4.   Il-KESE jirrakomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni tikkunsidra malajr il-possibbiltà li tinbidel l-istruttura tal-vetturi sabiex il-fwar ikun jista’ jinħażen fit-tank tal-vettura stess – din hija prattika obbligatorja fl-Istati Uniti – u li tressaq proposti dwar dan kemm jista’ jkun malajr.

2.5.   Sadattant, il-KESE jappoġġja l-proposti attwali tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ matul il-mili tal-vetturi bil-petrol.

2.6.   Il-KESE jenfasizza li l-prattiki attwali fil-qasam tal-irkupru tal-fwar tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tibbaża fuq Artikolu 175 sabiex tiżgura standards minimi fuq l-irkupru tal-fwar tal-petrol fil-livell Ewropew filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jimponu standards aktar stretti jekk ikunu jixtiequ.

2.7.   Id-Direttiva 94/63/KE diġà tiżgura l-irkupru tal-fwar tal-petrol matul il-ħażna u d-distribuzzjoni tal-petrol fl-istazzjonijiet ta’ servizz (Stadju I għall-irkupru tal-fwar tal-petrol).

2.8.   Il-KESE jemmen li l-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol huwa pass loġiku biex niżguraw kwalità tal-arja tajba.

2.9.   Barra minn hekk, il-KESE josserva li din il-proposta hija konformi mas-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali iżda hija wkoll kompatibbli mat-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Hija tħeġġeġ id-domanda għat-teknoloġiji tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar kif ukoll l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji.

3.   Kummenti speċifiċi

Artikolu 3

Stazzjonijiet ta’ servizz

3.1.   Punt 1

3.1.1.   Fl-ewwel sentenza għandha tiġi ċċarata l-kelma “maħsub”. Il-KESE jemmen li diffiċli nivverifikaw li l-fluss reali ta’ meta jinfetaħ stazzjon ta’ servizz ikun konformi maċ-ċifri indikati fil-fażi preparatorja tal-proġett.

3.1.2.   Il-KESE jipproponi li wara l-frażi “500 m3 fis-sena” jiżdied dan li ġej: “L-istazzjonijiet ta’ servizz għandhom jiddikjaraw il-flussi reali tagħhom wara tliet xhur mill-ftuħ tal-istazzjon”.

3.1.3.   Il-KESE jemmen li l-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha b’kapaċità ta’ inqas minn 500m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li jgħollu l-flussi reali għal aktar minn 500 m3 fis-sena. Id-dikjarazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-bidu tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun żdied l-ammont. F’każ bħal dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena.

3.1.4.   Fit-tieni sentenza, għandha tiżdied il-frażi “lil hinn mill-bini tal-intrapriża” wara l-frażi “jew f’żoni ta’ xogħol”. Fl-istess bini tal-istazzjonijiet ta’ servizz jista’ jkun hemm uffiċċji bżonjużi għat-tħaddim tal-istess stazzjonijiet.

3.1.5.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz ġdid għandu jkun fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jekk il-fluss reali tiegħu jew dak maħsub ikun ikbar minn 500 m3 fis-sena. L-istazzjonijiet ta’ servizz għandhom jiddikjaraw il-fluss reali tagħhom wara tliet xhur mill-ftuħ tal-istazzjon. L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha b’kapaċità ta’ inqas minn 500m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li jgħollu l-fluss reali għal aktar minn 500m3 fis-sena. Id-dikjarazzjoni għandha ssir sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-bidu tas-sena ta’ wara s-sena li fiha jkun żdied l-ammont. F’każ bħal dan, it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena . Madankollu, l-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha li jinsabu fi kwartieri ta’ għixien permanenti jew f’żoni ta’ xogħol lil hinn mill-bini tal-intrapriża għandhom ikunu fornuti bis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol irrispettivament mill-fluss reali jew maħsub tagħhom.

3.2.   Punt 2

3.2.1.   Il-KESE jipproponi li tiġi spjegata l-frażi “arranġamenti mill-ġdid”. Huwa jemmen li arranġamenti mill-ġdid għandhom jikkonsistu f’bidla sinifikanti bħal pereżempju żieda fil-fluss tal-apparat tad-distribuzzjoni u tal-karburant ta’ aktar minn 20 % meta mqabbla mal-fluss ekwivalenti tal-bidu jew it-tranżizzjoni minn stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat għal stazzjon ta’ servizz liberu li mhux issorveljat.

3.2.2.   Il-KESE jipproponi li bidliet bħal tabella prinċipali tal-istazzjon ta’ servizz ġdida, il-bidla minn stazzjon tradizzjonali għal stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat jew l-aġġornament tal-istazzjon ta’ servizz sabiex jikkonforma ma’ regoli ġodda m’għandhomx jitqiesu bħala arranġamenti mill-ġdid jew bidliet sinifikanti.

3.2.3.   Punt 2 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss ikbar minn 500 m fis-sena u li jitranġa kompletament mill-ġdid għandu jiġi fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt il-proċess ta’ arranġament mill-ġdid. Arranġamenti mill-ġdid għandhom jikkonsistu f’bidla sinifikanti bħal pereżempju żieda fil-fluss tal-apparat tad-distribuzzjoni u tal-karburant ta’ aktar minn 20 % meta mqabbla mal-fluss ekwivalenti tal-bidu jew it-tranżizzjoni minn stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat għal stazzjon ta’ servizz liberu li mhux issorveljat. Bidliet bħal tabella prinċipali tal-istazzjon ta’ servizz ġdida, il-bidla minn stazzjon tradizzjonali għal stazzjon ta’ servizz liberu ssorveljat jew l-aġġornament tal-istazzjon ta’ servizz sabiex jikkonforma ma’ regoli ġodda m’għandhomx jitqiesu bħala arranġamenti mill-ġdid jew bidliet sinifikanti .

3.3.   Punt 3

3.3.1.   Il-KESE jipproponi li jiżdied dan li ġej: “L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha bi fluss tal-petrol ta’ inqas minn 3 000 m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li permezz tagħhom il-fluss jaqbeż l-3 000 m3 fis-sena kalendarja”. F’każ bħal dan, it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena.

3.3.2.   Punt 3 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss żejjed ta’ 3 000 m fis-sena għandu jiġi fornut b’sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. L-istazzjonijiet ta’ servizz ġodda kollha bi fluss tal-petrol ta’ inqas minn 3 000   m3 għandhom jiddikjaraw iż-żidiet li permezz tagħhom il-fluss jaqbeż l-3 000   m3 fis-sena kalendarja. F’każ bħal dan it-tagħmir għandu jiġi installat fi żmien sitt xhur tal-istess sena .

Artikolu 4

Il-livell minimu permess għall-irkupru tal-fwar tal-petrol

3.4.   Punt 1

3.4.1.   Il-KESE jipproponi bidla fiċ-ċifra, minn 85 % għal 90 %. Ċerti Stati Membri diġà introduċew din iċ-ċifra bħala l-livell minimu tagħhom.

3.4.2.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarbonju tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tkun minn tal-inqas ta’ 90  % daqs jew ikbar il-85  %.

3.5.   Punt ġdid

3.5.1.   Il-KESE jipproponi li tiġi kkjarifikata d-definizzjoni tat-tagħmir PVR tal-Istadju II.

Artikolu 5

Spezzjoni perjodika u konformità

3.6.   Punt 1

3.6.1.   Il-KESE jqis li l-monitoraġġ annwali fl-istazzjonijiet ta’ servizz li għandhom sistema awtomatika ta’ monitoraġġ huwa ferm aktar importanti għax f’dawn il-każijiet ma jkunx hemm operatur li jissorvelja l-ħsarat.

3.6.2.   Punt 1 għalhekk ikun jgħid hekk:

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarburi fl-istazzjonijiet ta’ servizz li għandhom sistema awtomatika ta’ monitoraġġ hija ttestjata mill-inqas darba fis-sena.

3.7.   Punt 2

3.7.1.   Il-KESE jipproponi li titħassar l-ewwel sentenza.

3.7.2.   Huwa jipproponi li t-tieni sentenza “u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mid-dispensur li jkollu n-nuqqasijiet jekk in-nuqqas ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem” għandha tinbidel kif ġej: “f’każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar, id-distribuzzjoni tal-karburant tieqaf jekk il-ħsara ma tissewwiex fi żmien 72 siegħa”.

3.7.3.   Perijodu ta’ sebat ijiem huwa twil wisq. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-istazzjonijiet issorveljati.

3.7.4.   Punt 2 għalhekk ikun jgħid hekk:

Fejn ikun hemm sistema awtomatika ta’ monitoraġġ installata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effikaċja tal-qbid tal-idrokarburi hija ttestjata mill-inqas darba kull tliet snin . Is-sistema awtomatika ta’ monitoraġġ għandha tinduna awtomatikament b’xi nuqqasijiet fil-funzjoni tas-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar tal-petrol u fis-sistema awtomatika tal-monitoraġġ innifisha, u tindika n-nuqqasijiet lill-operatur tal-istazzjon ta’ servizz u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mid-dispensur li jkollu n-nuqqasijeit jekk in-nuqqas ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem . F’każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-Istadju II għall-irkupru tal-fwar, id-distribuzzjoni tal-karburant tieqaf jekk il-ħsara ma tissewwiex fi żmien 72 siegħa .

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  http://ec.europa.eu/environment/air/transport/petrol.htm


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Prosposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini” (riformulazzjoni)

COM(2008) 780 finali (1) – 2008/0223(COD)

(2009/C 277/15)

Rapporteur: is-Sur ŠIUPŠINSKAS

Nhar is-27 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni)

COM(2008) 780 finali – 2008/0223 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Šiupšinskas.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzonijiet

1.1.   Il-KESE japprova t-titjib li pproponiet il-Kummissjoni tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (DPEB), iżda b’xi riżervi. Skont id-Direttiva r-rinnovazzjonijiet iridu jkunu marbuta mal-obbligu li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini sabiex jonqsu kemm il-konsum tal-enerġija kif ukoll l-ispejjeż tal-enerġija.

1.2.   B’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiżgurawli r-rinnovazzjoni tal-bini bil-għan li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tiegħu ma twassalx biss għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, iżda wkoll fl-ispejjeż tal-enerġija.

1.3.   Id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva għandhom jikkunsidraw il-partikolaritajiet arkitettoniċi u tekniċi, jiġifieri l-enerġija meħtieġa għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, it-tidwil, l-installazzjonijiet mekkaniċi (pereżempju l-lifts), it-tisħin u t-tkessiħ tal-ilma kif ukoll għas-sistemi tad-dranaġġ.

1.4.   Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni li qabel ma tibda l-kostruzzjoni jiġi analizzat jekk hux possibbli:

li s-sħana u l-elettriku jiġu ġġenerati minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli,

li l-elettriku u s-sħana jiġu ġġenerati flimkien (koġenerazzjoni) jew, saħansitra, li l-elettriku, is-sħana u l-kesħa jiġu ġġenerati flimkien (triġenerazzjoni),

li t-tisħin u t-tkessiħ isiru b’mod distrettwali,

li jintużaw pompi tas-sħana,

li jintużaw sondi u kolletturi tas-sħana.

1.5.   Il-KESE jemmen fl-importanza li l-Istati Membri jaħdmu bis-sħiħ u b’mod attiv biex isaħħu l-aspetti tal-bini sostenibbli u tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-taħriġ vokazzjonali marbut mal-qasam tal-kostruzzjoni.

1.6.   Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Proposta għal Direttiva tenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdi s-settur pubbliku sabiex isir progress fis-settur tal-bini kollu kemm hu.

1.7.   L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali huma mħeġġa jużaw il-fondi tal-Bank Ewropew tal-Investiment b’mod aktar attiv u effettiv sabiex jippromovu “l-finanzjament minn partijiet terzi” (2) tal-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs).

1.8.   Is-sistemi tat-tisħin, tal-ventilazzjoni u tal-arja kundizzjonata għandhom jiġu spezzjonati fuq bażi regolari b’konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ kull Stat Membru filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-ispezzjonijiet. Ir-rapporti tal-ispezzjoni m’għandhomx jinkludu biss rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib li jista’ jsir, iżda wkoll ir-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tat-tħaddim tal-installazzjonijiet.

1.9.   Barra minn dan, fir-riformulazzjoni tad-Direttiva l-Istati Membri qed jintalbu jistabbilixxu u jużaw sanzjonijiet u multi. Il-KESE jemmen li dawn għandhom ivarjaw skont jekk il-partijiet ikkonċernati humiex pubbliċi jew privati u li l-ammont għandu jiġi stabbilit fil-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jekk in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji ser jitqies bħala żball, dan għandu jitqies bħala żball fil-livell Komunitarju wkoll u għandu jiġi stipulat fid-Direttiva.

1.10.   Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ tekniku għaċ-ċittadini li jkunu qed jirrinovaw id-djar tagħhom.

1.11.   Fiż-żoni residenzjali magħmula minn binjiet uniformi, li huma tipiċi tal-Istati Membri l-ġodda kollha, huwa diffiċli li l-għaqdiet tas-sidien joħorġu ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija għal dawn il-binjiet standard kollha. Bis-saħħa taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija bbażati fuq l-istima (3) ta’ blokka ta’ appartamenti rappreżentattiva jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni u l-piż amministrattiv.

1.12.   Barra minn hekk, l-amministrazzjoni muniċipali tista’ toffri lin-nies li jgħixu fi blokok ta’ appartamenti individwali soluzzjonijiet għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni, il-kuntratti tal-bini, il-manutenzjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija, eċċ., fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ punt ta’ kuntatt uniku.

1.13.   Fl-opinjoni tal-KESE, fi żmien relattivament qasir, ir-riformulazzjoni tad-Direttiva ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ser tħalli impatt soċjali pożittiv, billi, fost affarijiet oħra:

titnaqqas it-talba għall-enerġija,

jittejjeb il-livell tal-għajxien ta’ familji żvantaġġati,

jinstab xogħol għal nies li ilhom żmien twil qiegħda.

1.14.   Il-KESE jirrakkomanda li t-tikketti tal-gwarniċi tat-twieqi u tal-prodotti tal-bini jiġu armonizzati għalkollox mad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

1.15.   Il-KESE jemmen li meta tkun ser titwaqqa’ blokka ta’ appartamenti li ma tkunx tista’ tiġi rinnovata, l-awtoritajiet għandhom jikkuntattjaw lill-partijiet interessati u l-okkupanti għandhom jingħataw post ieħor fejn joqogħdu. B’mod ġenerali, il-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili għandha tagħmel parti mill-kundizzjonijiet tal-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, u l-KES nazzjonali, għall-anqas fil-pajjiżi fejn jeżistu, għandhom jiġu kkonsultati b’mod sistematiku (4).

2.   Introduzzjoni

2.1.   Il-KESE diġà fassal bosta opinjonijiet importanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u dwar il-miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija b’rabta mal-politika komuni tal-UE kif ukoll dwar il-kwalità tal-enerġija tal-bini u tal-installazzjonijiet tal-bini. Fil-bini l-ġdid qed jinkisbu riżultati tanġibbli bis-saħħa tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn ir-riżultati qed jinħassu l-aktar mill-konsumaturi, u minnhom qed jibbenefika l-pajjiż kollu. Fost l-opinjonijiet rilevanti nsibu TEN/227, 263, 283, 274, 286, 309, 269, 299, 311, 332 u 341 (5).

2.2.   Madankollu, wara s-sħubija tagħhom fl-UE, fil-prattika t-12-il Stat Membru l-ġdid bdew jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tard ħafna. Għaldaqstant, dawn l-Istati, meta mqabbla mal-Istati Membri l-qodma, għadhom lura f’dak li għandu x’qasam mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, u l-bini residenzjali u amministrattiv tagħhom għadu ’l bogħod ħafna milli jissodisfa r-rekwiżiti minimi tad-Direttiva.

2.3.   Il-KESE diġà tkellem dwar din id-Direttiva fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2001 (6). Għalhekk l-opinjoni preżenti tikkunsidra biss il-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2002/91/KE (COM(2008) 780 finali) u tenfasizza ċ-ċirkustanzi partikolari tal-Istati Membri l-ġodda b’rabta mal-aspetti diskussi f’din id-Direttiva.

2.4.   Huwa fattur pożittiv li l-objettivi tal-politika tal-UE jinkludu wkoll kumdità akbar għaċ-ċittadini u tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija tagħhom.

2.5.   Id-Direttiva attwali diġà tiddeskrivi:

il-metodu għall-kalkolu tal-prestazzjoni tal-enerġija ta’ bini ġdid u bini eżistenti li qed jiġi rinnovat,

ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija,

iċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija,

l-ispezzjoni tal-bojlers u tas-sistemi tat-tisħin,

l-ispezzjoni tas-sistemi tal-arja kundizzjonata.

2.6.   Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ir-riformulazzjoni tippreżenta x’jista’ jittejjeb permezz ta’ approċċ immirat u kif jista’ jsir dan.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Is-settur tal-bini (il-bini residenzjali u kummerċjali) huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali tal-enerġija u tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE. Dan is-settur jirrappreżenta madwar 9 % tal-PGD (bejn wieħed u ieħor EUR 1 300 biljun) u madwar 7–8 % (sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt) tal-impjiegi fl-UE (jiġifieri madwar 15–18-il miljun impjegat minn total ta’ 225,3 skont l-Uffiċċju tal-Istatistika). 40 % tal-bini huwa tal-awtoritajiet pubbliċi u 74 % tal-bini għandu superfiċje ta’ inqas minn 1 000 m2.

3.2.   Is-soċjetà tal-lum qed tagħti aktar attenzjoni:

lill-ħarsien tal-ambjent,

lis-saħħa tal-konsumatur (pereżempju, il-kwalità tal-arja, l-aċċess għall-anzjani),

lill-kumdità tad-djar,

lill-effiċjenza tal-apparat elettriku u s-sistemi tat-tisħin. F’dan is-settur jeżistu ħafna regolamenti, li bosta drabi jikkontradiċu lil xulxin (7).

3.3.   Is-soċjetà ċivili għandha tevalwa l-impatt ekonomiku tad-Direttiva u l-kwalità u l-effetti futuri tal-proposti – għal perijodu twil ta’ żmien – mill-perspettiva tad-diversi partijiet ikkonċernati u tal-gruppi soċjali f’reġjun partikolari.

3.4.   Il-ħruġ ta’ ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini mhux biss mezz ta’ kif jiġi klassifikat il-bini fi klassi tal-effiċjenza tal-enerġija speċifika, iżda għandu jħeġġeġ ukoll it-tfittxija għal soluzzjonijiet tal-ippjanar ġodda.

Fid-dawl tal-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-klima, is-settur tal-bini għandu l-potenzjal li joħloq ħafna impjiegi.

3.5.1.   Fuq il-bażi tad-Direttiva 2002/91/KE u r-riformulazzjoni proposta ta’ din l-istess Direttiva, kull sena jistgħu jinħolqu medja ta’ 60 000 impjieg ġdid fil-15-il Stat Membru l-qadim u madwar 90 000 impjieg fit-12-il Stat Membru l-ġdid.

3.5.2.   Bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex jiggarantixxu kwalità tal-enerġija għolja (jiġifieri bini b’konsum annwali ta’ 50 kWh/m2 jew anqas), fl-UE jistgħu jinħolqu 1 000 000 impjieg ġdid (8) fis-sena (jiġifieri 10 % tal-impjiegi f’dan il-qasam).

3.5.3.   Bħalissa ftit huma l-ħaddiema fis-settur tal-bini li huma kwalifikati fit-teknoloġiji li għandhom jiġu implimentati sabiex jgħollu l-livell tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Id-Direttiva tipproponi li permezz ta’ miżuri marbuta mat-taħriġ jiġu ggarantiti ħaddiema kkwalifikati u speċjalizzati li huma kapaċi jaħdmu fis-settur tal-bini sostenibbli.

3.6.   Huwa importanti li nħarsu ’l quddiem: f’punt 3.4 tal-opinjoni tiegħu INT/415 (9), il-KESE ressaq mudell applikabbli għall-atti legali kollha – dawn għandhom ikunu komprensibbli, aċċessibbli, aċċettabbli u infurzabbli. Mil-lat tekniku, direttiva għandha tiġi adottata fil-ħin, tkun vijabbli u tippreżenta objettivi li jistgħu jinkisbu.

3.7.   F’punt 2.1.3 tal-opinjoni TEN/299 (10), il-Kumitat jinnota li d-djar tradizzjonali jikkunsmaw 180 kWh/m2 fis-sena għat-tisħin biss. Skont l-informazzjoni li għandhom ir-rapporteur u l-espert tiegħu, il-konsum medju tal-enerġija għat-tisħin f’appartamenti tipiċi fil-pajjiżi Baltiċi u f’appartamenti mibnija bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien fil-pajjiżi ġirien huwa ta’ madwar 150 kWh/m2 fis-sena. Mill-esperjenza tgħallimna li, fl-istess kundizzjonijiet klimatiċi, it-talba għall-enerġija f’bini rinnovat u mgħammar b’sistema tal-iżolazzjoni (insulation) tajba tista’ titnaqqas bin-nofs.

3.8.   Id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti marbuta mal-qagħda attwali fl-UE huma msemmija f’punt 3.1 tal-opinjoni TEN/299 (10).

3.9.   Bħalissa d-DĠ Ambjent u d-DĠ Intrapriża u Industrija qed jaħdmu fuq regoli importanti għat-tikketti tal-prodotti tal-bini li – għalkemm ma jiġġenerawx enerġija – jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija (twieqi, ħitan, tagħmir domestiku awtomatiku integrat).

3.10.   Riformulazzjoni jew reviżjoni tad-dispożizzjonijiet attwali tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva tistipula dawn il-bidliet importanti:

L-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva. Iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija ser isiru obbligatorji għall-bini kollu. Ta’ min jinnota li 74 % tal-bini preżenti kollu fl-UE għandu superfiċje totali ta’ anqas minn 1 000 m2.

L-estensjoni u l-promozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija fis-settur pubbliku.

It-tisħiħ tar-rwol tal-esperti li joħorġu ċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija.

L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri konkreti ġodda sabiex joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-finanzjament ta’ investimenti fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija.

Aktar attenzjoni għall-problemi marbuta mas-sistemi tal-arja kundizzjonata.

Aġġornament regolari tal-istandards tal-effiċjenza tal-enerġija tas-CEN.

4.2.   Fil-pajjiżi kesħin, l-ammont ta’ enerġija kkunsmata mill-bini hija sostanzjalment ogħla minn dik imsemmija fil-premessa 6 tad-Direttiva. Għaldaqstant, fil-premessa 8 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva qed jiġi propost li jitqiesu b’mod xieraq l-ispeċifiċitajiet klimatiċi u lokali, speċjalment meta jitqassmu l-investimenti.

4.3.   Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 li jgħidu li ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija f’każ ta’ blokka tal-bini b’sistema tat-tisħin komuni tista’ ssir fuq il-bażi ta’ ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija komuni għall-bini kollu jew fuq il-bażi tal-istima ta’ appartament rappreżentattiv ieħor fl-istess blokka tal-bini, għalkemm l-Istati Membri tal-UE jistgħu jissemplifikaw aktar il-proċess tal-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini standard.

4.4.   Id-djar ser isiru aktar attraenti f’għajnejn is-sidien u l-okkupanti futuri jekk l-informazzjoni fuq iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija b’konformità tal-Artikolu 10 – sew jekk isiru b’mod obbligatorju, sew jekk b’mod volontarju – tkun affidabbli. Il-KESE jemmen li l-proposta mressqa f’alternattiva B 1 li jsiru verifiki taċ-ċertifikati permezz ta’ kampjunar aleatorju bil-għan li tiġi garantita l-affidabbiltà tagħhom hija aċċettabbli u rakkomandabbli. Madankollu, dan m’għandux iwassal għall-applikazzjoni tal-penali stipulati fl-Artikolu 22. Huwa mixtieq li ċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija l-ġdid ikun dokument li jiggarantixxi kwalità tajba tal-enerġija għal perijodu twil ta’ żmien. Iċ-ċertifikat għal sistema tat-tisħin ġdida għandu jinħareġ mill-esperti indipendenti (Artikolu 16) flimkien ma’ min jinstallaha.

4.5.   Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tistipula limitu ta’ 20 kW għall-qawwa nominali effettiva tas-sistemi tat-tisħin (Artikolu 13) u ta’ 12 kW għas-sistemi tal-arja kundizzjonata (Artikolu 14). Skont jekk jintużawx karburanti fossili jew enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri tal-UE jistgħu jistabbilixxu limiti u frekwenzi differenti għall-ispezzjonijiet tas-sistemi tat-tisħin fir-reġjuni tagħhom. B’konformità mal-Artikolu 17 il-kwalità tar-rapporti tal-ispezzjoni għandha tiġi kkontrollata b’mod regolari fuq bażi każwali. Però għadu mhux ċar jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti għat-titjib tas-sistemi hux ser ikunu vinkolanti jew inkella hux ser ikunu jistgħu jiġu injorati, u jekk il-konsegwenzi msemmija fl-Artikolu 19 hux ser jitqiesu bħala penali. Fil-liġijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-ispetturi jistgħu jidħlu fi proprjetà privata sabiex jivverifikaw is-sistemi tat-tisħin.

4.6.   L-effiċjenza tal-enerġija ta’ bojler li jitqiegħed fis-suq minn manifattur għandha tiġi ċċertifikata f’laboratorju speċjali b’konformità mal-istandards stabbiliti u mniżżla fuq it-tikketta tal-bojler. B’hekk nevitaw ir-reklamar qarrieqi u niggarantixxu l-kwalità tal-prodott. Ir-rakkomandazzjonijiet li jibdew isiru spezzjonijiet regolari u volontarji tal-bojler fuq il-post għandhom iħeġġu lill-proprjetarju jiżgura li l-bojler jaħdem tajjeb u b’konformità mal-parametri tal-prestazzjoni teknika ottimali.

4.7.   Jekk inqabblu d-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fir-riformulazzjoni tad-Direttiva, naslu għall-konklużjoni li kollha jistħoqqilhom l-attenzjoni għaliex huma tajbin, u li l-mezzi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini li jipproponu ma jmorrux kontra xulxin u jistgħu jiġu implimentati flimkien.

4.8.   Għandhom jiġu stabbiliti valuri indikattivi tal-konsum tal-enerġija fil-livell Ewropew u metodu b’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva u l-alternattiva D 1 (sommarju tal-valuzzjoni tal-impatt) għax bħalissa huwa diffiċli li jitqabblu l-valuri tal-konsum annwali f’kWh/m2 bejn il-pajjiżi differenti minħabba l-ispeċifiċitajiet klimatiċi li jeżistu. Bis-saħħa tal-valuri indikattivi reġjonali wieħed għandu jkun jista’ jkejjel il-konsum tal-enerġija li jużaw is-sistemi tat-tisħin u dawk tat-tkessiħ b’mod separat. Ikun jagħmel sens li dawn il-valuri ma jiġux stabbiliti skont it-temperatura ta’ barra iżda skont in-numru ta’ heating-degree-days u cooling-degree-days ta’ kull Stat Membru għaliex dawn jirriflettu l-effett tal-klima fuq il-konsum tal-enerġija aktar mit-temperatura medja ta’ barra.

4.9.   Naturalment, il-parametri bażiċi sabiex tiġi kkalkulata l-prestazzjoni tal-enerġija (iżda mhux iċ-ċifri konkreti) għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha u għandu jintuża metodu għall-kalkolu komuni. Madankollu, dawn il-kalkoli x’aktarx mhux ser jindikaw il-prestazzjoni tal-enerġija reali ta’ pajjiż u mhux ċar jekk il-livell ta’ spiża ottimali hux ser jintlaħaq jew le għax dan jiddependi minn fatturi oħra tal-ekonomija tas-suq ħieles (irrispettivament mill-klima).

4.10.   Ir-riżultat tar-rinnovazzjoni ta’ bini b’indikaturi enerġetiċi qodma, provviżorji jew ħżiena ħafna skont l-Artikolu 4 (u l-alternattiva D 3) jidher u jinħass ħafna aktar. Madankollu bini bħal dan ħafna drabi jkun antik u mġarraf. Inutli li l-Istat jipprovdi l-għajnuna għar-rinnovazzjoni ta’ dan il-bini jekk il-perijodu għall-ħlas tad-dejn ikun itwal miż-żmien li jkun fadallu l-bini. Approċċ bħal dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi. Għalhekk fil-każ tal-bini bl-agħar difetti, wieħed għandu joqgħod attent ħafna meta jagħżel liema minnhom jistgħu jiġu rinnovati.

4.11.   Fid-dawl tal-fatt li ma teżisti l-ebda dar li ma tikkaġunax emissjonijiet (Artikolu 9), ir-regoli m’għandhomx ikunu stretti wisq. Il-KESE jemmen li f’dan il-kuntest għandu jiġi adottat approċċ aktar flessibbli li jħalli lill-Istati Membri ħielsa li jagħżlu l-aħjar soluzzjonijiet għalihom. L-għan li nnaqqsu l-emissjonijiet għalkollox għandu jkun l-ideal għall-ġejjieni.

4.12.   F’dan il-kuntest, bħalissa ta’ min isemmi l-hekk imsejħa “djar passivi” li l-enerġija massima li jikkunsmaw għat-tisħin hija ta’ 15 kWh/m2 fis-sena kif ukoll id-djar tal-Kategorija A li l-enerġija massima li jikkunsmaw għat-tisħin hija ta’ 30 kWh/m2 fis-sena.

5.   Konklużjonijiet

5.1.   Skont il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt, id-Direttiva riveduta toffri prospettiva tajba għall-iffrankar tal-enerġija u l-KESE jemmen li jekk jitwessa’ l-ambitu tad-Direttiva wieħed ikun jista’ jisfrutta aħjar il-potenzjal tal-bini biex tiġi ffrankata l-enerġija.

5.2.   Fil-fehma tal-KESE, huwa kważi impossibbli li niksbu l-għan u l-impatt finanzjarju stabbiliti fir-riformulazzjoni tad-Direttiva b’investiment ta’ EUR 8 biljuni fis-sena billi huwa stmat li l-ispiża finanzjarja għar-rinnovazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda biss diġà taqbeż dan l-ammont sew. Ċerti fatturi li ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jistgħu jinfluwenzaw l-ispiża u l-ammont ta’ rinnovazzjonijiet li jridu jsiru.

5.3.   Dawn iċ-ċifri jindikaw l-importanza u l-ħtieġa tar-rinnovazzjonijiet fil-Litwajna: jeżistu madwar 40 000 binja residenzjali qodma li mhumiex ekonimiċi fejn tidħol l-effiċjenza tal-enerġija. Sar xi titjib f’madwar 600 binja sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija (ħafna drabi permezz ta’ twieqi ġodda) u mas-60 binja ġew rinnovati għalkollox. L-informazzjoni tvarja minn sors għal ieħor, iżda b’mod ġenerali s-sorsi kollha juru li x-xogħol qiegħed lura ħafna minn kif kien ippjanat. B’dan il-pass, ir-rinnovazzjonijiet ser jieħdu aktar minn 100 sena, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li r-rinnovazzjonijiet b’konformità mad-Direttiva attwali għadhom lanqas biss bdew.

5.4.   Raġunijiet finanzjarji. Eżempju tipiku: skont il-kumpanija “Vilniaus energija”, li tipprovdi s-sħana distrettwali fil-belt kapitali tal-Litwanja, Vilnius, appartament ta’ 60 m2 jikkonsma madwar 200 kWh/m2 fis-sena għat-tisħin u għall-ilma sħun, u madwar140 (11) kWh/m2 minnhom jintużaw għat-tisħin. Bis-saħħa tal-iżolazzjoni tal-bini, li jnaqqas bin-nofs il-konsum tal-enerġija meħtieġa għat-tisħin, jekk il-prezz ikun ta’ EUR 0.072 għal kull kWh ir-residenti jiffrankaw madwar EUR 5.07 għal kull metru kwadru fis-sena, jiġifieri total ta’ EUR 304.20. Skont il-figuri tal-awtorità lokali ta’ Vilnius, bejn wieħed u ieħor rinnovazzjoni radikali ta’ blokka ta’ appartamenti tiswa EUR 165 għal kull metru kwadru (12). Jekk is-self għar-rinnovazzjoni jkun irid jitħallas lura fi żmien 20 sena, ir-residenti ta’ dawn l-appartamenti jkunu qed iħallsu madwar EUR 41.30 fix-xahar. Stħarriġ juri li huma biss 5 % tar-residenti li huma lesti jħallsu dan l-ammont. L-awtoritajiet pubbliċi ma jinsabux f’pożizzjoni li jikkofinanzjaw ir-rinnovazzjoni tas-sistemi tat-tisħin tal-bini.

Bejn l-adozzjoni tal-programm ta’ modernizzazzjoni ta’ numru ta’ blokok ta’ appartamenti fl-2004 u Novembru 2008 ġew allokati EUR 37.3 miljun għal dan il-għan, jiġifieri 0,5 % tal-baġit annwali (13). L-adozzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva fil-Parlament Ewropew, li skont il-proposta mressqa mill-Membru Parlamentarti Silvia-Adriana Ţicău (RO) ser tqassam aħjar il-mezzi disponibbli fil-qafas tal-Fondi Strutturali, għandha tagħti spinta ’l quddiem lill-proċess tar-rinnovazzjoni.

5.5.   Raġunijiet psikoloġiċi u legali. L-iżolazzjoni tal-bini biss tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija b’mod drastiku, però l-perijodu tal-ħlas tad-dejn għal din il-miżura huwa twil għexieren ta’ snin. Fid-dawl tal-għomor ta’ bniedem, dan il-perijodu ta’ żmien huwa twil wisq. Iż-żgħażagħ ma jafux fejn ser ikunu qed jgħixu 20 sena oħra, u dawk li qed joqorbu lejn is-60 mhumiex ċerti jekk hux ser ikunu għadhom ħajjin. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kategoriji tal-popolazzjoni (li b’kollox jammontaw għal 20 % tal-popolazzjoni (14)) mhumiex interessati fir-rinnovazzjoni. Ma’ dawn jingħaqdu r-residenti mingħajr riżorsi li jirċievu s-sussidji għat-tisħin. Dawn il-fatturi jheddu l-argument li r-rinnovazzjoni żżid il-valur tad-djar. Jekk bini antik jitwaqqa’, is-sid jisfa’ bla dar u ħafna drabi ma jkollux dritt għall-art fejn kienet mibnija d-dar jekk ma jkunx xtraha qabel. L-Artikolu 19 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva jtejjeb din is-sitwazzjoni għaliex jistipula li għandhom jittieħdu miżuri bil-għan li s-sidien u l-okkupanti jiġu informati permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ programmi Komunitarji.

5.6.   B’xorti ħażina, ħafna konsumaturi jemmnu li r-rinnovazzjoni tas-sistemi tat-tisħin tgħabbi lill-proprjetarji tal-art b’self għal perijodu twil ta’ żmien li kapaċi ma jkunux jistgħu jħallsuh, b’mod partikolari jekk l-ekonomija tibqa’ sejra lura, filwaqt li d-dħul tal-provvedituri tal-enerġija minn bini rinnovat jew jiqba’ l-istess jew jiżdied wara tariffi ġodda li jirriżultaw minn lobbying jew korruzzjoni. Dan it-tħassib ġej parzjalment mill-fatt li sabiex jaqilgħu aktar flus il-provvedituri tat-tisħin distrettwali, li huma s-sors prinċipali tat-tisħin fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE, qed jgħollu l-prezzijiet b’rata mgħaġġla, inklużi dawk tal-bini rinnovat, filwaqt li l-konsum tal-enerġija għat-tisħin jonqos. Fl-aħħar mill-aħħar din hija problema diffiċli biex tissolva. Jekk wara l-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni estiża tad-Direttiva jittejjeb it-tnaqqis u jiġi penalizzat il-ksur hekk kif inhu stipulat fl-Artikolu 22 permezz tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija li qed jiġu rakkomandati għat-tagħmir, ser ikun possibbli li negħlbu l-biża’ tal-konsumaturi bis-saħħa ta’ miżuri tekniċi u amministrattivi.

5.7.   Bir-rinnovazzjoni ta’ ħafna bini ser jonqsu l-ispejjeż tal-enerġija għat-tisħin iżda mhux bilfors ser jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Jekk l-enerġija għat-tisħin tkun ġejja minn sistemi tal-koġenerazzjoni, is-sħana żejda li toħroġ matul il-ġenerazzjoni tal-elettriku tintuża. Jekk il-konsum tal-enerġija għat-tisħin jonqos, parti mill-enerġija żejda mhux użata tista’ tintuża għat-tisħin tal-bini li nbena dan l-aħħar u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.

5.8.   Minħabba li ma jeżistux garanziji, appoġġ u perspettivi min-naħa tal-Istat, il-konsumaturi huma pessimisti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, la d-Direttiva attwali u lanqas ir-riformulazzjoni tagħha ma jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipju ta’ punt ta’ kuntatt komuni għall-proċess ta’ rinnovazzjoni – li huwa mixtieq mill-partijiet ikkonċernati u l-konsumaturi kollha. B’rabta mat-talba li ssir fl-Artikoli 11(3) u (4) li meta jinbiegħ jew jinkera appartament fi blokka ta’ appartamenti ser ikun hemm bżonn ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija, il-konsumaturi għandhom xi riżervi meta l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-enerġija jkunu jidhru mill-kontijiet li tħallsu u jkun hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet kuntrattwali. B’hekk jinħolqu biss aktar spejjeż.

5.9.   Jeżistu ħafna prodotti tal-bini magħmula mill-bniedem (15)  (16) u wieħed jista’ jagħżel dak li hu l-aħjar għalih. Madankollu, jekk f’daqqa waħda s-suq jisplodi b’investiment kbir fir-rinnovazzjoni biex tingħata spinta ’l quddiem lill-industrija tal-bini, jeżisti r-riskju li fl-isforzi biex jinstabu malajr il-fondi, wieħed jinsa jaċċerta ruħu li l-prodotti li jintgħażlu huma adatti. Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (Artikoli 16 u 17) dwar l-esperti indipendenti u s-sistemi ta’ kontroll ser ixekklu l-użu ta’ prodotti ta’ kwalità inferjuri, jekk il-kompetenzi ta’ dawn l-esperti jiġu estiżi.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  It-test Ingliż huwa bbażat fuq id-dokument COM(2008) 780 final/2.

(2)  Ara d-Direttiva 93/76/KEE, ĠU L 237, 22.9.1993, p. 28-30.

(3)  Żieda mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5)(b) (tar-riformulazzjoni).

(4)  Dan jiżgura l-konformità mal-Artikoli 1 (Id-dinjità tal-bniedem) u 34(3) (id-dritt għal għajnuna għall-akkomodazzjoni) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(5)  Il-fuljett tas-Sezzjoni TEN: “Liema politika tal-enerġija għall-Ewropa? Il-punti ewlenin tal-opinjonijiet reċenti tal-KESE” (u sorsi oħra tal-KESE).

(6)  “Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini”, ĠU C 36, 8.2.2002, p. 20.

(7)  Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa COM(2007) 860.

(8)  Studju tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (Aġenzija għall-Iżvilupp Soċjali).

(9)  CESE 1905/2008, “L-approċċ proattiv tal-liġi”.

(10)  “L-effiċjenza enerġetika tal-bini – il-kontribut tal-utenti”, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 62.

(11)  K. Nënius, Programm tal-Awtorità Lokali ta’ Vilnius: Ejjew nirrinovaw djarna u nittrasformaw il-belt (bil-Litwan), http://www.krea.lt/uploads/Busto_progr_bendrijos_EAIP.ppt#22.

(12)  E. Levandraitytë, Ma nistgħux nevitaw politiki stretti, Statyba ir architektûra (rivista intitolata Il-kostruzzjoni u l-arkitettura) (bil-Litwan), 2008/12, p. 26-29.

(13)  V. Martinaitis, Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-blokok ta’ appartamenti fil-Litwanja u l-isfidi li qed tiffaċċja l-ekonomija Litwana (bil-Litwan), 22.10.2008. Dokument imħejji għal workshop dwar “L-aktar staġun tat-tisħin għali”.

(14)  Uffiċċju tal-Istatistika, Ir-residenti ta’ Vilnius u d-djar (bil-Litwan), http://www.stat.gov.lt/uploads/docs/Vilniaus_saviv.pdf.

(15)  CESE 329/2009, “Kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni”.

(16)  Dan jiżgura l-konformità mal-Artikoli 1 (Id-dinjità tal-bniedem) u 34(3) (id-dritt għal għajnuna għall-akkomodazzjoni) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tobbliga lill-Istati Membri jżommu livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt mhux raffinat u/jew ta’ prodotti tal-petroleum”

COM(2008) 775 finali – 2008/0220 (CNS)

(2009/C 277/16)

Rapporteur: is-Sur CEDRONE

Nhar l-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 100 u 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tobbliga lill-Istati Membri jżommu livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt mhux raffinat u/jew ta’ prodotti tal-petroleum

COM(2008) 775 finali/2 – 2008/0220 (CNS)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Cedrone.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’182 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jemmen li, lil hinn mill-kwalitajiet l-oħra tagħha, il-proposta għandha l-mertu li tissemplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suġġett, billi issa, minflok it-tliet miżuri eżistenti ser ikun hemm waħda biss. Barra minn hekk, il-proposta tinkorpora l-proċeduri amministrattivi tal-Istati Membri billi ġġib lill-obbligi taż-żamma tal-ħażniet f’konformità ma’ dawk tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija – AIE (fil-fatt l-armonizzazzjoni fiha nnifisha mhijiex partikolarment sostanzjali).

1.2.   Il-proposta tqis il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u tapplikah b’mod korrett għal prodott ta’ utilità pubblika; is-suq intern għandu jiżgura li, f’każ ta’ kriżi globali, kwalunkwe stokk fiċ-ċirkolazzjoni jkun jista’ jitmexxa liberament lejn kwalunkwe pajjiż xerrej involut, irrispettivament minn jekk jagħmilx parti mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija jew le.

1.3.   Fil-kuntest attwali, il-koordinazzjoni tirrappreżenta l-aħjar mezz biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fl-Unjoni Ewropea u biex ikunu jistgħu jiġu adottati kriterji komuni.

1.4.   Il-proposta tiffaċilita l-adozzjoni ta’ miżuri iktar effettivi u rapidi f’każ ta’ kriżi, inkluż fir-rigward tar-relazzjoni stabbilita s’issa bejn is-sistemi tal-UE u l-AIE, billi tikkunsidra l-bżonnijiet ġenwini li jistgħu jinqalgħu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

1.5.   Il-KESE huwa tal-fehma li tinħtieġ strateġija globali, sabiex l-UE ssir kemm jista’ jkun awtosuffiċjenti fil-qasam tal-enerġija.

1.6.   Il-proposta tirrappreżenta pass f’din id-direzzjoni iżda mhijiex biżżejjed biex jinkiseb l-għan mixtieq.

1.7.   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni prinċipali mhijiex eżattament dik tal-proprjetà tal-istokkijiet, li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji kbar, mill-inqas għal ċerti Stati Membri, imma iktar dik tal-kontroll, li għandu jkun strett ħafna, pubbliku u preferibbilment ġestit fil-livell Ewropew.

1.8.   Għaldaqstant, l-intrapriżi jistgħu jżommu l-istokkijiet speċifiċi u ta’ sigurtà, sakemm il-kontroll jibqa’ f’idejn l-Istati Membri, jew aħjar, f’idejn Ewropej. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, huwa biss f’każ li dawn il-kontrolli ma jkunux effettivi li jista’ jiġi applikat il-kriterju li l-istokkijiet speċifiċi jsiru proprjetà tal-Istat.

1.9.   Il-KESE jemmen li l-obbligu li jinżammu stokkijiet li jikkorispondu għal 70 ġurnata ta’ konsum huwa iktar adatt mill-obbligu li jinżammu stokkijiet li jikkorispondu għal 90 ġurnata ta’ importazzjonijiet netti.

1.10.   L-għan li partijiet mill-istokkijiet kummerċjali jiġu kkonvertiti fi stokkijiet ta’ sigurtà jista’ jinżamm ukoll. Sabiex tinkiseb solidarjetà ġenwina bejn il-pajjiżi tal-Ewropea, jista’ jiġi introdott prinċipju ta’ ġbir rapidu ta’ stokkijiet f’każ ta’ kriżi; pereżempju, ir-regola ta’ “use-it-or-lose-it”, li diġà qed tiġi applikata fis-suq Ewropew tal-enerġija, tista’ tiġi evalwata u adottata.

1.11.   Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tanalizza l-possibbiltà li tiġi armonizzata t-taxxa (tas-sisa) fuq l-istokkijiet tal-petroleum tad-diversi pajjiżi.

2.   Proposti

2.1.   Il-KESE jsejjaħ għal miżuri ta’ iktar sustanza mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istokkijiet tal-petroleum, b’mod partikulari fil-qasam tal-koordinazzjoni u l-kontroll. Jinħtieġu miżuri simili fil-qasam tal-istokkijiet tal-gass naturali.

2.2.   Dan ifisser li l-UE għandha tieħu rwol ikbar fil-ħidma għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija.

2.3.   Kull Stat Membru għandu jirrikjedi u jikkontrolla li l-intrapriżi tiegħu jżommu kwantità suffiċjenti ta’ stokk biex il-pajjiż ikun jista’ jiffaċċja kwalunkwe kriżi.

2.4.   Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha timmonitorja s-sitwazzjoni fil-livell Komunitarju; meta Stat Membru ma jikkonformax mar-regoli, dan għandu jiġi ppenalizzat billi jkollu joħloq stokk speċifiku li jkun proprjetà tal-Istat. Fil-każijiet kollha, l-iffinanzjar ta’ dawn l-istokkijiet għandu jsir bl-ikbar trasparenza.

2.5.   Huwa preferibbli li l-biċċa l-kbira tal-ġestjoni tal-istokkijiet tkun privata u forsi, fil-livell domestiku, tkun akkumpanjata minn revolving fund (li jiffaċilita t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-istokkijiet minn intrapriżi akkreditati mill-Istat filwaqt jevita l-ħela ta’ flus), iżda din il-ġestjoni għandha tkun soġġetta għal kontroll strett mill-awtorità pubblika.

2.6.   Madankollu, il-KESE jqis li huwa kruċjali li tieħu sehem l-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom kondizzjonijiet ugwali u li, konsegwentement, f’każ ta’ bżonn fi Stat Membru wieħed jew iktar, l-obbligu tal-ħolqien, iż-żamma u d-disponibbiltà tal-istokkijiet jiġi rrispettat.

2.7.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat jew Aġenzija ta’ Koordinazzjoni b’poter ta’ azzjoni ġenwin; jew aħjar minn hekk, għandha tintuża l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija.

2.8.   Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-istat tal-istokkijiet.

3.   Daħla

3.1.   Tul dawn l-aħħar snin, b’mod partikulari reċentement, it-theddida ta’ interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija żdiedet. Bħala reazzjoni għal dan, tqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni l-istokkijiet taż-żejt. Kien hemm għadd ta’ interruzzjonijiet fiżiċi fil-provvista madwar id-dinja tul dawn l-aħħar erbgħin sena u l-użu tal-istokkijiet li nżammu f’pajjiżi differenti għen biex dawn il-problemi ttaffew b’mod ikkontrollat. Billi l-Ewropa għandha suq uniku magħqud għall-prodotti taż-żejt, x’aktarx li matul kull interruzzjoni fil-provvista kull pajjiż jintlaqat b’mod simili, u huwa xieraq u utli li l-Ewropa tistabbilixxi arranġamenti koordinati għaż-żamma tal-provvisti taż-żejt u għall-ġestjoni tat-tqegħid tagħhom fiċ-ċirkolazzjoni f’każ ta’ interruzzjonijiet futuri.

3.2.   Għaldaqstant, hemm bżonn li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri individwali, u li jinstabu sistemi aħjar u iktar effettivi biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-perijodi ta’ kriżi.

3.3.   L-Ewropa diġà kellha leġiżlazzjoni li teħtieġ li l-Istati Membri jżommu livell minimu ta’ stokkijiet taż-żejt għal numru ta’ snin. Din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni ġenerali li dejjem għandu jkun hemm żamma ta’ provvista ta’ 90 ġurnata. Madankollu, f’Marzu 2007, hu u jevalwa l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-enerġija, il-Kunsill talab għal evalwazzjoni tal-mekkaniżmi tal-istokkijiet taż-żejt tal-UE, b’referenza speċjali għad-disponibbiltà taż-żejt f’każ ta’ kriżi, u saħaq fuq il-komplementarità mal-mekkaniżmi ta’ kriżi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.

3.4.   Dan huwa iktar u iktar neċessarju minħabba n-nuqqasijiet tas-sistema attwali: dawn in-nuqqasijiet jistgħu jfixklu l-provvista f’każ ta’ bżonn, b’implikazzjonijiet serji għall-ekonomija.

3.5.   Billi ż-żejt għadu r-riżors prinċipali tal-enerġija, is-sistema tal-istokkijiet għandha ssir iktar affidabbli, u għandu jitqies li s-settur tal-enerġija għadu MA BDIEX jopera bħala suq uniku; barra minn hekk, m’hemm l-ebda proċeduri kkoordinati għall-intervenzjoni u m’hemm l-ebda relazzjoni bejn is-sistemi tal-UE u l-AIE.

3.6.   Fil-prattika, fl-UE kulħadd jagħmel li jrid; teżisti firxa wiesgħa ta’ sistemi u prattiki li, fost oħrajn, tista’ twassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi.

4.   Sinteżi tal-proposta

4.1.   Qabel ma fasslet il-proposta, il-Kummissjoni wettqet ħafna konsultazzjonijiet u, bl-informazzjoni li ġabret mingħand l-esperti, abbozzat valutazzjoni tal-impatt.

4.2.   Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet f’din il-valutazzjoni tal-impatt:

għażla 0: kollox jibqa’ kif inhu, u dawn mhuwa bl-ebda mod sodisfaċenti;

għażla 1: tipprovdi għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u għall-koordinazzjoni tas-sistema attwali, filwaqt li l-leġiżlazzjoni eżistenti tibqa’ kif inhi; b’hekk, il-lakuni attwali jibqgħu hemm mingħajr l-ebda titjib sostanzjali;

għażla 2: tipprovdi għat-twaqqif ta’ sistema Komunitarja ċentralizzata flimkien ma’ obbligu ta’ pussess pubbliku ta’ 90 jum tal-ħażniet ta’ sigurtà miżmuma separatament mill-ħażniet kummerċjali; dan jipprovdi kapaċità ikbar biex tiġi indirizzata interruzzjoni, iżda bi spiża ogħla;

għażla 3: tipprovdi għall-ħolqien ta’ ħażniet ta’ sigurtà speċifiċi tal-UE fil-qafas ta’ verżjoni riveduta tas-sistema attwali; din l-għażla tiżgura li volumi supplementari jkunu disponibbli f’każ ta’ bżonn, u għaldaqstant din tidher bħala l-iktar għażla xierqa.

4.3.   Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq it-tielet għażla. Madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa biss li joħolqu stokkijiet ta’ sigurtà li jikkorrispondu, fil-biċċa l-kbira, għal 90 jum ta’ importazzjonijiet u 70 jum ta’ konsum. L-Istati Membri mhumiex obbligati joħolqu stokkijiet speċifiċi sakemm dan ma jkunx volontarju min-naħa tagħhom. Ir-regoli ġew introdotti biex jirrinfurzaw il-kontrolli u kull Stat Membru huwa meħtieġ ukoll li jfassal rapport annwali li jispeċifika l-post u l-proprjetà tal-istokkijiet ta’ sigurtà.

4.4.   Hemm il-ħsieb li l-obbligi ġenerali taż-żamma tal-istokkijiet jersqu iktar lejn l-ħtiġijiet tal-AIE.

4.5.   L-Istati Membri ser jibbenefikaw minn flessibbiltà ikbar fl-għażla tal-arranġamenti speċifiċi għall-konformità mal-obbligi taż-żamma tal-istokkijiet, u ser ikunu jistgħu jiddelegaw il-ġestjoni tal-istokkijiet bejniethom.

4.6.   Il-proposta tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu rrispettati f’każ ta’ azzjoni mmexxija mill-AIE (deċiżjoni internazzjonali effettiva għat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-istokkijiet). L-UE ser tikkoordina l-kontribut tal-Istati Membri li mhumiex parti mill-AIE.

4.7.   Wara tliet snin, il-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi li parti mill-istokkijiet ta’ sigurtà ta’ kull Stat Membru ssir proprjetà tal-gvern jew ta’ aġenzija.

5.   Kummenti ġenerali

Il-KESE jaqbel mal-preferenza tal-Kummissjoni għall-għażla 3 tal-valutazzjoni tal-impatt, billi din teħtieġ inqas investiment mill-għażla 2, li bħalissa tidher eċċessiva, partikularment mil-lat finanzjarju; jemmen li fid-dawl tal-istħarriġ li jirreferu għalih id-dokumenti li jakkumpanjaw il-proposta, il-ħolqien ta’ stokkijiet speċifiċi – volumi ta’ prodotti tal-petroleum li huma proprjetà tal-Istati Membri – jista’ jmur kontra l-bżonn li stokkijiet ta’ sigurtà u stokkijiet kummerċjali jinżammu flimkien, saħansitra forsi fl-istess tankijiet.

5.1.1.   Mil-lat tekniku, din tidher bħala l-aħjar għażla, naturalment minkejja n-neċessità assoluta li tiġi ggarantita d-disponibbiltà kontinwa tal-istokkijiet tas-sigurtà li jinżammu flimkien mal-istokkijiet kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet kemm soċjali kif ukoll ambjentali ta’ kull miżura elenkata.

5.2.   Il-KESE japprova l-objettiv tal-proposta – li għandhom jiġu indirizzati l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-prodotti taż-żejt u/jew tal-petroleum.

5.3.   Kif għandha raġun tistqarr il-Kummissjoni, id-disponibbiltà tal-istokkijiet hija l-aħjar mezz biex jiġu ffaċċjati l-iktar effetti ħarxa ta’ kwalunkwe interruzzjoni fis-suq tal-petroleum (għalkemm ir-rwol prinċipali li qiegħed jaqdi s-suq tal-gass attwalment – u li mhuwiex kopert mill-proposta – m’għandux jintesa).

5.4.   Il-KESE ma japprovax il-proposta għas-separazzjoni fiżika tal-istokkijiet ta’ sigurtà u dawk kummerċjali. Dawn l-istokkijiet jistgħu jinżammu fl-istess impjanti jew tankijiet.

Il-KESE huwa tal-fehma li t-tliet strateġiji l-oħra li tirreferi għalihom il-Kummissjoni, u li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija ilha tippromovi mill-1974, għandhom jitkomplew u jittejbu.

5.5.1.   Il-produzzjoni domestika għandha tiżdied. (Hemm għadd ta’ Stati Membri li dan mhumiex qed jagħmluh sabiex iżommu r-riżervi strateġiċi taħt l-art jew sabiex il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat jibqgħu għoljin.)

5.5.2.   Għandhom jintużaw b’mod iktar mifrux it-teknoloġiji alternattivi fl-applikazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikulari bl-approċċ taż-żieda fil-firxa tal-alternattivi għall-użu ta’ fjuwils primarji fil-produzzjoni tal-elettriku; dan jista’ jinkiseb billi jiġi sostitwit il-fjuwil taż-żejt, fejn dan huwa fattibbli mil-lat tekniku, ambjentali u finanzjarju, speċjalment bil-gass naturali, bil-faħam (jidher li hemm prospetti tajbin għall-użu “nadif” tal-faħam) u bil-fjuwils nukleari (bl-iktar teknoloġiji reċenti hawnhekk ukoll).

Il-konsum għandu jitnaqqas, mhux biss fit-tisħin domestiku jew l-industrija kimika iżda pjuttost fis-settur tat-trasport privat, bħala parti minn strateġija globali għall-promozzjoni tat-trasport pubbliku.

5.5.3.1.   Meta nikkunsidraw il-fatt li l-provvista tal-enerġija dalwaqt se tiddgħajjef fl-Ewropa, minkejja li l-kriżi li kienet tħabbret is-sajf li għadda għadha ma seħħitx, din l-istrateġija hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li, minn bosta perspettivi (partikolarment tal-ambjent), it-trasport privat jidher li wasal sa fejn seta’ jasal u dan jitlob riflessjoni bir-reqqa dwar kif jista’ jinstab bilanċ.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1.   Il-proposta għandha tagħmel distinzjoni iktar ċara bejn l-istokkijiet speċifiċi (l-Artikolu 9) u l-istokkijiet ta’ sigurtà (l-Artikolu 3), u għandha tispeċifika jekk id-differenza bejn iż-żewġ kategoriji tinsabx biss fl-obbligu tal-ħolqien tal-istokkijiet mill-Istati Membri jew jekk id-definizzjonijiet differenti jkoprux ukoll l-istokkijiet tal-prodotti tal-petroleum. L-għażla dwar jekk jaċċettawx l-obbligu li jaħżnu l-istokkijiet ta’ prodotti oħra tal-petroleum jew le għandha tkun f’idejn l-Istati Membri. F’dan il-każ ma jkunux stokkijiet ta’ sigurtà. Ir-raġuni għall-inklużjoni ta’ ċerti prodotti jew kwalitajiet taż-żejt fil-lista tal-istokkijiet, u l-esklużjoni ta’ oħrajn, mhijiex ċara.

6.2.   Il-post (l-Artikolu 3) li fih għandhom jinżammu l-istokkijiet ta’ sigurtà mhuwiex definit sew, billi juża t-terminu “fit-territorju tal-Komunità”. Jista’ jkun xieraq li, minbarra l-konnessjonijiet mat-TEN-E, f’każ li fil-ġejjieni jikkonċernaw is-settur taż-żejt ukoll, jiġu ddefiniti l-kondizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi meħtieġa għas-sit, li f’każ ta’ bżonn jippermettu li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għall-istokkijiet. Ikun adattat li r-responsabbiltà għaż-żamma tal-istokkijiet tiġi allokata lil għadd ta’ Stati Membri differenti, pereżempju b’sistema ta’ rotazzjoni.

6.3.   Il-kontenut tal-Artikolu 5 għandu jkun iżjed ċar, billi bħalissa huwa ambigwu. B’mod partikulari, il-paragrafi 1 u 2 jidhru li huma kontradittorji. L-Artikolu 5(1) jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-istokkijiet ta’ sigurtà u dawk speċifiċi miżmuma fit-territorju nazzjonali tagħhom ikunu dejjem aċċessibbli u disponibbli fiżikament, filwaqt li fil-paragrafu 2 jidher li dawn l-istess Stati Membri għandhom kull dritt li jiddeċiedu fuq l-allokazzjoni u t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-istokkijiet, mingħajr l-ebda arranġament uniformi.

6.4.   Jista’ jkun xieraq li jiġu stabbiliti xi ħtiġijiet uniformi li kull entità ċentrali li żżomm l-istokkijiet ikollha tirrispetta meta tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-offerta tal-istokkijiet (l-Artikolu 7(4)).

6.5.   Il-kompiti allokati lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni (l-Artikolu 18) huma relattivament modesti, billi huma limitati li jikkontribwixxu għall-analiżi tas-sitwazzjoni fil-Komunità (fejn, madankollu, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-kontroll) rigward is-sigurtà tal-provvista taż-żejt u l-iffaċilitar tal-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri f’dak il-qasam. Il-Grupp għandu jingħata rwol iktar mifrux, pereżempju fil-verifika u l-kontroll tal-istokkijiet u l-proċeduri (forsi billi jsir aġenzija ġenwina).

6.6.   Il-miżuri “neċessarji” li jridu jadottaw l-Istati Membri (l-Artikolu 21) f’każ ta’ interruzzjoni serja fil-provvista mhumiex iddefiniti b’mod ċar. Ikun xieraq li jiġi speċifikat minn qabel il-persentaġġ tal-prodotti taż-żejt mhux raffinat u l-petroleum li kull Stat Membru għandu jqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni, jew b’kemm għandu jitnaqqas il-konsum f’kull Stat Membru; preferibbilment dan għandu jkun ugwali jew mill-inqas proporzjonali għall-volum tal-istokkijiet disponibbli jew għall-istokkijet li jiġu kkonsmati. Barra minn hekk, billi l-iskop tal-istokkijiet huwa li jiġi żgurat l-appoġġ reċiproku fl-Unjoni Ewropea, il-forom tal-appoġġ reċiproku u r-rimunerazzjoni bejn l-Istati Membri f’każ ta’ interruzzjoni għandhom jiġu ddefiniti aħjar, b’mod partikulari l-obbligi tal-pajjiżi produtturi tal-UE. Barra minn hekk iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu infurmati dwar kwistjonijiet importanti bħal dawn sabiex iħossuhom iktar integrati fid-deċiżjonijiet tal-UE.

6.7.   Il-KESE jemmen li, f’każ ta’ interruzzjoni, il-provvista m’għandhiex titnaqqas għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri jew tal-merkanzija; huwa assolutament neċessarju li tiġi ggarantita l-provvista tal-enerġija għat-tisħin għall-pubbliku ġenerali, b’mod partikulari għas-servizzi pubbliċi bħall-iskejjel u l-isptarijiet. Il-provvista għall-industrija petrokimika għandha tiġi ggarantita wkoll.

6.8.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-proċeduri (l-Artikolu 21(3)) stabbilita mill-Ftehim tal-AIE, il-pajjiżi li jkunu membri kemm tal-Komunità Ewropea kif ukoll tal-AIE jistgħu jużaw l-istokkijiet speċifiċi tagħhom (fejn dawn jinħolqu) u l-istokkijiet rispettivi tas-sigurtà biex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali. Madankollu, f’dan il-każ tista’ tinħoloq sitwazzjoni fejn ikunu biss il-pajjiżi membri tal-UE u l-AIE li jieħdu l-azzjoni. Sabiex dan jiġi evitat jaf ikun aħjar li jsir obbligatorju għall-Istati Membri kollha tal-UE li joħolqu stokkijiet speċifiċi jew li jużaw stokkijiet eżistenti, li għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni waħedha, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u ġestiti mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

6.9.   Mhuwiex ċar għal min se jgħoddu s-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22: jekk għandhom jiġu applikati biss għall-intrapriżi, jidher xieraq li l-Istati Membri jistabbilixxu s-sanzjonijiet u jkunu responsabbli għall-ġbir tagħhom. Iżda jekk il-multi jiġu imposti fuq l-Istati Membri stess, dawn għandhom jiġu speċifikati u rregolati fil-livell Komunitarju.

6.10.   It-twaqqif ta’ Kumitat speċjali (l-Artikolu 24) biex jgħin lill-Kummissjoni ma jservi l-ebda skop, sakemm ma jkunx il-Kumitat jew il-Grupp ta’ Koordinazzjoni li diġà huma ppjanati. Barra minn hekk, l-Artikolu 24 ma jispeċifikax ir-responsabbiltajiet tal-Kumitat u lanqas l-arranġamenti għall-għażla tal-membri tiegħu u anqas u anqas kemm għandu jkollu membri. Ma jsemmi l-ebda arranġamenti għall-finanzjament ta’ dan il-Kumitat. Il-proposta ma tispeċifikax b’mod ċar id-differenzi bejn l-impjegati tal-Kummissjoni li jwettqu l-kontrolli (l-Artikolu 19), “il-Grupp ta’ Koordinazzjoni” (l-Artikolu 19) u “l-Kumitat” (l-Artikolu 24). Il-KESE jinsab iddispjaċut b’dan billi dawn in-nuqqasijiet m’għandhomx impatt pożittiv fuq it-tisħiħ tat-trasparenza u d-demokrazija.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport”

COM (2008) 887 finali – 2008/0263 (COD)

(2009/C 277/17)

Rapporteur: is-Sur Josef ZBOŘIL

Nhar id-29 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 295 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

COM(2008) 887 finali – 2008/0163 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Zbořil.

Matul il-… sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 183 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jemmen li huwa essenzjali li jkollna sistema ta’ trasport bit-triq (li tinkludi s-servizzi provduti f’dan il-qasam) affidabbli, li taħdem sew u li tkun effettiva u sikura.

1.2.   Il-Kumitat jaqbel li d-direttiva proposta għandha tiġi adottata sabiex il-pjan ta’ azzjoni tas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (SIT) ikun jista’ jitwettaq, billi din tikkostitwixxi l-qafas legali meħtieġ għall-koordinazzjoni tas-sistema intelliġenti tat-trasport filwaqt li hija flessibbli biżżejjed biex tissodisfa l-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà.

1.3.   Iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku mingħajr xkiel fin-netwerks tat-toroq teħtieġ informazzjoni attwali dwar it-trasport u dwar inċidenti u kundizzjonijiet li jikkawżaw konġestjoni sħiħa jew parzjali f’ċerti postijiet jew inħawi. Is-SIT għandha tipprovdi informazzjoni preċiża, affidabbli u standardizzata fil-ħin attwali u tagħti lill-utenti l-libertà tal-għażla.

1.4.   Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm tassonomija Ewropea armonizzata (bħas-sistema tal-AlerTC) tal-inċidenti u l-kundizzjonijiet li jolqtu ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku u s-sigurtà fit-toroq. Għandu jiġi standardizzat ukoll format ta’ skambju ta’ informazzjoni tat-tip XML sabiex ikun jista’ jsir skambju attwali ta’ informazzjoni dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti wkoll il-parametri għall-ħolqien ta’ netwerk standardizzat bil-ġeoreferenzi tal-infrastruttura tat-toroq għal-lokalizzazzjoni ġeografika diġitali standardizzata tal-kundizzjonijiet u l-inċidenti. Din il-lokalizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-toroq u partijiet tat-toroq u l-infrastruttura relatata.

1.5.   Għandha tintuża sistema għall-ipproċessar u t-tqassim tal-informazzjoni neċessarja għall-utent aħħari b’tali mod li ma tkunx ta’ inkonvenjenza għas-sewwieqa iżda tagħmilha iktar faċli għalihom u b’hekk tissaħħaħ is-sikurezza fit-triq.

1.6.   Il-KESE jirrakkomanda li l-arkitettura tas-sistemi tas-SIT tiġi stabbilita malajr fil-livell nazzjonali billi jiġu definiti funzjonijiet speċifiċi kif ukoll l-apparat standard bażiku għat-toroq tat-TEN–T b’sistemi telematiċi tanġibbli li jwettqu l-funzjonijiet speċifiċi meħtieġa.

1.7.   Il-Kumitat josserva li l-bini tal-infrastruttura għandu jinvolvi sorsi rilevanti ta’ fondi mill-Komunità, mill-Istati Membri u s-settur privat. L-ispiża tal-operat għandha tiġi ffinanzjata mit-taxxi jew min-nollijiet. L-obbligi tal-korpi ċentrali tal-livell nazzjonali rigward il-ġbir, l-ipproċessar, it-tqassim, il-pubblikazzjoni, id-distribuzzjoni u t-tqassim transkonfinali tal-informazzjoni dwar it-traffiku għandhom ikunu iktar dettaljati.

1.8.   Is-SIT ser tinvolvi l-użu dejjem jiżdied ta’ volumi kbar ta’ data. Għaldaqstant, l-implementazzjoni tagħhom teħtieġ l-iżvilupp ta’ approċċ fuq perijodu fit-tul, u għandha tqis mhux biss l-applikazzjonijiet attwali iżda wkoll l-iżvilupp potenzjali ta’ sistemi futuri u r-rwol u r-responsabbiltà tad-diversi partijiet involuti. Il-ħolqien ta’ sistemi intelliġenti ta’ trasport għandu wkoll jikkonforma strettament mal-ħtiġijiet tal-protezzjoni tad-data. Id-direttiva u l-pjan ta’ azzjoni għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni meħtieġa kontra kull abbuż permezz ta’ kull mezz tekniku, teknoloġiku, legali jew tal-organizzazzjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri (1).

1.9.   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu inklużi miżuri xierqa fil-pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni ta’ teknoloġiji moderni tal-IT għat-trasport, pereżempju, permezz tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għall-vetturi intelliġenti.

2.   Daħla – id-dokumenti tal-Kummissjoni

2.1.   Skont ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tal-UE dwar il-politika tat-trasport, l-innovazzjoni ser taqdi rwol importanti biex it-trasport bit-triq ikun aktar sostenibbli (jiġifieri li tagħmlu iktar sikur, iktar ekonomiku u effiċjenti, iktar nadif u b’inqas xkiel), speċjalment bis-saħħa tal-varar ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni – jiġifieri s-sistemi intelliġenti tat-trasport.

2.2.   Il-piż żejjed dejjem jiżdied fuq is-sistemi tagħna tat-trasport (b’żieda ta’ 55 % fit-trasport bit-triq tal-merkanzija u żieda ta’ 36 % fit-trasport tal-passiġġieri mistennija sal-2020) u l-konsum tal-enerġija u l-ħsara ambjentali relatata (emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport huma mistennija jiżdiedu b’15 % sal-2020) jitolbu approċċ innovattiv li jkun jista’ jiffaċċja l-bżonnijiet jiżdiedu u d-domandi għat-trasport u l-mobbiltà. Miżuri tradizzjonali, bħall-estensjoni tan-netwerks ta’ trasport eżistenti, mhux ser ikunu possibbli fuq l-iskala meħtieġa u ser ikollhom jinstabu soluzzjonijiet ġodda.

2.3.   Il-varar ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport qed jiżvolġi iktar bil-mod milli kien mistenni u ġeneralment qed isir biċċa biċċa. Ir-riżultat huwa struttura atomizzata ta’ soluzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali mingħajr l-ebda armonizzazzjoni ċara. B’hekk, is-SIT qed tiġi użata b’mod ineffettiv u għaldaqstant mhijiex kapaċi tagħmel kontribut ċar għall-ksib tal-għanijiet ta’ politika (tat-trasport) u biex jiġu indirizzati għadd ta’ sfidi diffiċli li qed jiffaċċja t-trasport bit-triq.

2.4.   Għan partikolari huwa li tittejjeb l-interoperabbiltà tas-sistema, li jiġi żgurat approċċ mingħajr xkiel, li tiġi appoġġjata l-kontinwità tas-servizzi u li jinħolqu mekkaniżmi għal kooperazzjoni effettiva bejn l-entitajiet kollha involuti fl-isfera tas-SIT. Għaldaqstant, l-iktar mod xieraq biex jinkiseb l-għan mixtieq tal-konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa permezz ta’ direttiva (qafas).

2.5.   Madankollu, id-dettalji tekniċi tal-varar – il-proċeduri u l-ispeċifikazzjonijiet – ser jiġu adottati mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta’ kumitat magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-iskop ta’ dan il-kumitat, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi grupp konsultattiv Ewropew għas-SIT (il-provvedituri tas-servizzi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-operaturi tat-trasport u l-apparat, l-industrija tal-manifattura, l-imsieħba soċjali u l-assoċjazzjonijiet professjonali) fejn ser jiġu mistiedna l-partijiet interessati rilevanti f’dan il-qasam; dan il-grupp ser jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tat-twaqqif u l-varar tas-SIT fl-UE. Il-grupp konsultattiv għas-SIT ser jiġbor u janalizza l-kontribut minn fora eżistenti bħas-Sikurezza-e u l-ERTRAC.

2.6.   Din il-proposta tindirizza l-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT relatati mat-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħhom ma’ modi oħrajn ta’ trasport. It-trasport bit-triq huwa regolat minn diversi liġijiet: id-Direttiva 2004/52/KE dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi elettroniċi tan-nollijiet tat-triq, ir-Regolament 3821/85/KEE dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u d-Direttiva 2007/46/KE dwar kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi. Għandha tiġi żgurata koerenza ċara mal-ħidma tal-kumitati rilevanti.

2.7.   Il-proposta ser tgħin biex jinkisbu għadd ta’ għanijiet (mikroekonomiċi) tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. L-ewwel u qabel kollox ser tiffaċilita l-proliferazzjoni u l-użu effettiv tas-SIT. Din ser tikkontribwixxi wkoll biex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

li tiffaċilita l-forom kollha ta’ innovazzjoni: it-trasferiment transkonfinali tal-għarfien dwar il-varar effikaċi tas-SIT;

li tespandi, ittejjeb u tgħaqqad l-infrastruttura Ewropea u jitlestew proġetti transkonfinali prijoritarji; li titqies il-ħtieġa għal sistema tal-ipprezzar xierqa għall-infrastruttura;

li jitħeġġeġ l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jissaħħu s-sinerġiji bejn il-protezzjoni ambjentali u t-tkabbir, speċjalment il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mezzi biex jiġu internalizzati l-kosti esterni;

li jiżdied u jitjieb l-investiment fl-R&D (riċerka u żvilupp), partikolarment min-negozji privati: kundizzjonijiet aħjar tal-qafas għall-esplojtazzjoni tas-soluzzjonijiet innovattivi tas-SIT.

2.8.   Il-Kapitolu 4 tal-Komunikazzjoni “Nagħmlu t-Trasport Aktar Ekoloġiku”, adottata mill-Kummissjoni f’Lulju 2008 (COM(2008) 433), jipprovdi għal pjan ta’ azzjoni dwar is-SIT għat-toroq li għandu jinkiseb permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva li tistabbilixxi approċċ komuni biex tpoġġi t-teknoloġiji eżistenti fis-suq u biex jintużaw. Barra minn hekk, l-użu tal-infrastruttura eżistenti b’mod iktar effikaċi jfisser li ser ikun hemm bżonn inqas infrastruttura ġdida, u tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-ambjent naturali u l-għata tal-ħamrija.

2.9.   Din il-proposta tikkumplementa wkoll l-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli peress li tindirizza diversi kwistjonijiet ewlenin identifikati mill-proċess ta’ analiżi tal-2005 li jeħtieġu iktar sforz. Ir-rabta ewlenija bejniethom hija l-għan li t-trasport isir iktar ekoloġiku – pereżempju billi tittejjeb il-ġestjoni tad-domanda għat-trasport u tingħata għajnuna biex tintlaħaq il-mira tas-sikurezza tat-toroq li jonqos bin-nofs l-għadd ta’ imwiet fit-toroq sal-2020 (meta mqabbel mal-2000). Kwistjoni oħra li għandha tiġi indirizzata indirettament hija t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fl-UE, b’hekk ukoll jitnaqqsu l-effetti tal-bidla fil-klima. Barra minn dan, il-proposta ssostni l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1/2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati (sistemi ta’ navigazzjoni).

2.10.   Il-proposta għal direttiva tressaq qafas għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-SIT. Bħala appoġġ għall-obbligi li d-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tintroduċi speċifikazzjonijiet uniformi, wara diskussjonijiet fil-kumitati, biex tiżgura introduzzjoni koordinata pan-Ewropea għall-interoperabbiltà tas-SIT. Din il-ħidma ser titwettaq mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-kumitat Ewropew għas-SIT. Id-direttiva tistabbilixxi wkoll qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-pjan ta’ azzjoni propost għas-SIT jintroduċi oqsma ta’ prijorità biex jitħaffef il-varar kkoordinat tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT madwar l-Unjoni Ewropea.

2.11.   Il-pjan ta’ azzjoni tas-SIT jibni fuq sensiela ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea li għaddejjin bħalissa, li jinkludu l-pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija (2), il-pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà urbana (3), l-introduzzjoni tas-sistema ta’ Galileo (4), il-pakkett ta’ miżuri għal trasport aktar ekoloġiku (5), l-inizjattiva i2010 dwar il-karozzi intelliġenti (6), l-inizjattiva Sikurezza-e (e-Safety) (7), is-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Tekniku (8), is-Servizz Sejħa-e (eCall) (9), il-pjattaformi Ewropej għat-teknoloġija u l-pjanijiet (10) u l-inizjattiva CARS 21 (11).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jemmen li huwa essenzjali li jkollna sistema ta’ trasport bit-triq (li tinkludi s-servizzi provduti f’dan il-qasam) affidabbli, li taħdem sew u li tkun effettiva u sikura. Il-varar koordinat tas-SIT ifisser li għandha tiġi żgurata l-aħjar ċirkolazzjoni tat-traffiku fl-Istati Membri individwali u fl-Ewropa kollha kemm hi għal perijodu ta’ żmien twil kemm jista’ jkun.

3.2.   Il-Kumitat jaqbel li d-direttiva proposta għandha tiġi adottata sabiex il-pjan ta’ azzjoni tas-SIT ikun jista’ jitwettaq, billi din tikkostitwixxi l-qafas legali meħtieġ għall-koordinazzjoni tas-sistema intelliġenti tat-trasport u li fl-istess ħin hija flessibbli biżżejjed biex tissodisfa l-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà.

3.3.   Huwa importanti li jinkisbu l-objettivi tad-direttiva proposta, b’mod partikolari sabiex tittejjeb il-funzjonalità, l-affidabbiltà, l-effikaċja, u s-sikurezza tat-trasport bit-triq, sabiex jiġi żgurat ambjent ekonomiku u soċjali iktar stabbli fl-Istati Membri individwali u madwar l-UE. Il-varar tas-SIT ikollu impatt fuq l-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari fejn il-volum tal-prodotti jeċċedi l-kapaċità tan-netwerk eżistenti tat-toroq. Ir-reġjuni għandhom jaqdu rwol importanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-pjan ta’ azzjoni billi jiġbru l-esperjenza u jaqsmu l-aħjar prattiki.

3.4.   Id-Direttiva ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li tiżgura l-varar effettiv tas-SIT permezz ta’ mekkaniżmi konkreti ta’ kontroll fis-sistemi tat-toroq tal-Istati Membri minkejja l-fondi mill-Kummissjoni u l-proġetti msemmija hawn fuq (Easy Way eċċ.)

3.5.   Iċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku mingħajr xkiel fin-netwerks tat-toroq teħtieġ informazzjoni attwali dwar it-trasport u dwar inċidenti u kundizzjonijiet li jikkawżaw konġestjoni sħiħa jew parzjali f’ċerti postijiet jew partijiet tat-toroq.

3.6.   Is-SIT għandha tipprovdi informazzjoni affidabbli, standardizzata u preċiża biżżejjed fil-ħin attwali u twassal l-informazzjoni dwar it-trasport intermodali u tagħti lill-utenti l-libertà tal-għażla bejn id-diversi modi ta’ trasport disponibbli.

3.7.   Is-SIT ser tinvolvi l-użu dejjem jiżdied ta’ volumi kbar ta’ data. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tagħhom teħtieġ l-iżvilupp ta’ approċċ fuq perijodu fit-tul, u għandha tqis mhux biss l-applikazzjonijiet attwali iżda wkoll l-iżvilupp potenzjali ta’ sistemi futuri u r-rwol u r-responsabbiltà tad-diversi partijiet involuti. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza, id-data personali li tista’ tintuża għall-identifikazzjoni ta’ individwi għandha tiġi pproċessata fi struttura legali u teknika li tiżgura t-trażmissjoni tad-data personali biss għal finijiet definiti strettament, b’konformità mal-qafas legali tal-UE u l-Istati Membri individwali.

3.8.   Il-ħtieġa fundamentali hija li jiġi żgurat li l-provveditur inizjali jkun jista’ jiggarantixxi l-anonimità tad-data. Il-grupp konsultattiv għandu jikkoopera u jikkonsulta dwar kwistjonijiet bħal dawn mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; nirrakkomandaw li l-kontrollur tad-data jkun irrappreżentat direttament fil-grupp konsultattiv.

3.9.   Is-sistema tas-satellita Galileo m’għandux ikollha rwol esklużiv; il-kooperazzjoni għandha tkun possibbli mas-sistemi kollha disponibbli tan-navigazzjoni bis-satellita.

3.10.   Sabiex tinġabar u tinqasam l-informazzjoni u d-data dwar l-imblokkar jew id-dewmien fit-toroq, ser ikollna bżonn tassonomija Ewropea magħquda għall-monitoraġġ tal-inċidenti u l-kundizzjonijiet li jikkawżaw ġrajjiet li jnaqqsu s-sikurezza u ċ-ċirkolazzjoni mingħajr xkiel, kif ukoll format ta’ skambju tad-data tat-tip XML.

3.11.   Bl-istess mod, għandu jkun hemm l-unifikazzjoni tal-parametri għall-ħolqien ta’ netwerk standardizzat bil-ġeoreferenzi tal-infrastruttura tat-toroq għal lokalizzazzjoni ġeografika diġitali standardizzata tal-kundizzjonijiet u l-inċidenti. Din il-lokalizzazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-toroq u partijiet tat-toroq u l-infrastruttura relatata. Għandhom jintużaw l-esperjenza u l-aħjar prattiki tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest huma involuti wkoll is-sistemi għall-ġestjoni tal-istat tal-uċuh tat-toroq biex jiġi żgurat li jkunu dejjem sodi mil-lat tekniku.

3.12.   Għandha tintuża sistema għall-ipproċessar u t-tqassim tad-data neċessarja għall-utent aħħari b’tali mod li ma tkunx ta’ inkonvenjenza għas-sewwieqa iżda tagħmilha iktar faċli għalihom u b’hekk tissaħħaħ is-sikurezza tat-triq, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-popolazzjoni li qed tixjieħ. Id-Direttiva għandha taħseb ukoll biex tipprovdi lill-utenti tas-SIT b’informazzjoni bħala appoġġ biex jiġu sfruttati kemm jista’ jkun il-benefiċċji għall-operat, l-effikaċja u s-sikurezza tas-sistema, filwaqt li fl-istess ħin titbaxxa r-rata tal-inċidenti.

3.13.   Is-SIT hija wkoll mistennija tinkludi s-sistemi ta’ informazzjoni ntużati mill-unitajiet tat-trasport tal-Pulizija, is-servizz tat-tifi tan-nar, l-operaturi tan-netwerk tat-toroq, is-servizzi meteoroloġiċi kif ukoll mis-sewwieqa stess. L-informazzjoni u d-data dwar l-ivvjaġġar li tinġibed minn sistemi bħal dawn għandha tkun parti integrali tal-kontenut tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar.

3.14.   Barra mill-proċessi għat-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, għandhom jinbnew toroq ġodda biex jiġu estiżi n-netwerks (speċjalment f’postijiet fejn dan għadu mhux komplut) u jitwettqu rikostruzzjoni u tiswijiet sabiex ikun hemm biżżejjed kapaċità tat-toroq, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet tal-art, l-ambjent eċċ. Is-SIT għandha tiġi integrata mhux biss fin-netwerks ta’ komunikazzjoni l-ġodda tat-TEN–T iżda wkoll fin-netwerks eżistenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Id-Direttiva u l-pjan ta’ azzjoni għandhom jidentifikaw għanijiet tanġibbli li jistgħu jinkisbu mill-Istati Membri kollha fil-fażi tal-bidu:

li jiġi żgurat il-ġbir u t-tqabbiltal-informazzjoni u d-data tal-ivvjaġġar dwar is-sitwazzjoni attwali tat-trasport fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali;

li jiġi żgurat l-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni u d-data tal-ivvjaġġar dwar is-sitwazzjoni attwali fin-netwerk tat-TEN–T dak il-ħin stess;

li s-sewwieqa jiġu provduti b’informazzjoni bażika tal-ivvjaġġar, mingħajr ħlas, bħala servizz pubbliku.

4.2.   Id-data dwar it-traffiku fit-triq u l-ivvjaġġar u dik dwar konġestjoni parzjali jew sħiħa f’punti u taqsimiet ta’ infrastruttura tat-trasport jintużaw fi proċessi assoċjati:

għall-kontroll u l-monitoraġġ tat-tneħħija tal-kawżi tal-konġestjoni jew il-ġestjoni ta’ kundizzjonijiet negattivi sakemm dawn jinqerdu għal kollox;

għall-provvediment tal-informazzjoni dwar il-post, il-ħin, il-livell u l-kawżi tal-konġestjoni tat-traffiku jew kundizzjonijiet negattivi għal kull min jinsab fit-triq (iċ-ċittadini sewwieqa, is-sewwieqa tal-vetturi ta’ emerġenza, eċċ);

għall-ġestjoni tat-traffiku fit-toroq sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni mingħajr xkiel fin-netwerk, ibbażata fuq inċidenti identifikati li jikkawżaw konġestjoni jew kundizzjonijiet negattivi (il-ġestjoni ta’ ċertu parti tan-netwerk u rotot alternattivi, eċċ.);

għall-analiżi ta’ kawżi rikorrenti għall-inċidenti li jimpedixxu ċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fit-toroq f’ċerti postijiet u inħawi sabiex ikunu jistgħu jiġu proposti u implimentati miżuri li jnaqqsuhom jew jeqirduhom għal kollox.

4.3.   Il-proposti ma jagħtux definizzjoni tal-funzjonijiet li għandhom jindirizzaw is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti jew għall-inqas jindikaw meta dawn il-funzjonijiet ser jiġu definiti mill-esperti. Dawn id-dokumenti qafas huma ġenerali wisq u dan jista’ jwassal għal proċeduri differenti fir-rwoli u l-oqsma individwali.

Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li jiġu definiti xi funzjonijiet tas-SIT kif ġej:

4.4.1.   Sistemi ta’ ġestjoni tal-operazzjonijiet: dawn jiġbru u jipproċessaw l-informazzjoni bħala parti mill-operazzjoni tal-korpi, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet (il-pulizija, il-brigati tat-tifi tan-nar, is-servizzi tas-saħħa tal-emerġenza); ċerti partijiet ta’ din l-informazzjoni primarja jistgħu jservu bħala informazzjoni tat-traffiku dwar is-sitwazzjoni attwali fit-toroq.

4.4.2.   Il-ġbir tad-data u l-informazzjoni minn applikazzjonijiet telematiċi: dan jimmonitorja l-karatteristiċi speċifiċi tal-elementi individwali tas-sistema tat-trasport f’ċerti partijiet tat-triq permezz ta’ s-sistemi telematiċi (SIT).

4.4.3.   Il-ġestjoni u l-iggwidar tat-traffiku: is-sistema ta’ trasport intelliġenti tanalizza awtomatikament l-informazzjoni tanġibbli tat-traffiku u d-data tas-sensur, jew permezz ta’ operatur, u tidderiġi t-traffiku li jinsab f’parti partikolari tat-triq permezz ta’ mezzi adattati (sinjali tat-traffiku b’messaġġ varjabbli, vleġġeġ imdawla jew sinjali, eċċ.).

4.4.4.   Monitoraġġ: monitoraġġ viżwali mill-korpi tat-traffiku tat-triq, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jużaw sistemi ta’ kamera komuni.

4.4.5.   Provvista tal-informazzjoni: id-data dwar it-traffiku bit-triq u d-data tal-ivvjaġġar dwar konġestjoni sħiħa jew parzjali tiġi ppubblikata jew imqassma mal-klijenti u l-utenti kollha tat-triq. L-informazzjoni tiġi pprovduta permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni u teknoloġiji ta’ informazzjoni normali u aċċessibbli minn kumpaniji pubbliċi jew privati fil-forma ta’ servizzi ta’ informazzjoni qabel u matul il-vjaġġ.

4.4.6.   Monitoraġġ u sanzjonijiet: is-sistemi telematiċi jivverifikaw li ċerti obbligi (pereżempju n-nollijiet) ikunu ntlaħqu u li r-regoli tat-traffiku jiġu rispettati, possibbilment segwiti minn sanzjonijiet għall-iktar ksur serju (pereżempju s-sewqan b’veloċità eċċessiva, is-sewqan meta d-dawl ikun aħmar, il-qbiż tal-limiti tal-piż, is-segwitu ta’ vetturi misruqa), b’konformità mar-regolamenti tat-traffiku tal-Istati Membri u fil-livell tal-UE (12), f’każ li jiġu armonizzati.

4.4.7.   Kontrolli ta’ manutenzjoni: is-sistemi telematiċi jimmonitorjaw ukoll l-affidabbiltà tal-elementi individwali tas-sistema, inkluż l-identifikazzjoni awtomatika tal-problemi u l-ispunt għall-proċeduri ta’ segwitu jew appoġġ.

4.5.   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tingħata definizzjoni bażika tal-istandards Ewropej (jew eżempji mudelli) għat-tagħmir tat-toroq inkorporati fit-TEN-T b’sistemi telematiċi “standard” għall-ġbir tad-data tal-ivvjaġġar, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tat-traffiku:

sistema ta’ sorveljanza tat-tip CCTV,

monitoraġġ taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, osservazzjoni tal-konġestjoni u sistemi ta’ ċensiment tat-traffiku,

sistemi ta’ sinjali varjabbli tat-traffiku u apparat ta’ trasferiment tal-informazzjoni,

sistema ta’ informazzjoni meteoroloġika għat-toroq,

ġestjoni tat-traffiku fir-rotot importanti tat-trasport,

Sistema ta’ salvataġġ.

4.6.   Dawn is-sistemi u informazzjoni minn sistemi ta’ ġestjoni tal-operazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jevalwaw iċ-ċirkolazzjoni u l-kundizzjonijiet tat-traffiku, inkluż il-ħin stmat għall-ivvjaġġar lejn destinazzjonijiet ewlenin.

4.7.   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn problemi potenzjali fit-tagħmir sussegwenti tal-vetturi b’apparat SIT dedikat; l-arkitettura tas-sistemi għandu jkollha l-kompatibbiltà meħtieġa. Is-sistemi u l-infrastruttura tal-vetturi għandhom jiġu żviluppati biex joperaw fuq pjattaformi miftuħa. Dan ma jgħoddx biss għas-sistemi u t-teknoloġija iżda wkoll għas-servizzi provduti bis-saħħa tagħhom.

4.8.   M’hemm l-ebda dubju li s-SIT ser tinvolvi l-użu ta’ medda sħiħa ta’ informazzjoni u teknoloġiji oħrajn li huma disponibbli attwalment. Approċċ koordinat tal-UE lejn dawn is-sistemi għandu jinvolvi wkoll l-ispeċifikazzjoni tal-oqsma mmirati li ser ikollhom ikunu lesti għall-implimentazzjoni prattika. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lis-sorsi rilevanti tal-fondi mill-Komunità, l-Istati Membri u s-settur privat. L-ispejjeż tal-operazzjoni u l-investiment għandhom jiġu ffinanzjati minn dazji, taxxi u nollijiet eżistenti.

4.9.   Il-proposti tal-Kummissjoni jipprovdu wkoll għal sensiela sħiħa ta’ miżuri prattiċi għall-introduzzjoni tas-SIT għal kull wieħed mill-oqsma prinċipali tal-pjan ta’ azzjoni. Naturalment, dawn l-iskedi ser ikollhom jiddettaljaw il-ħin meħtieġ sabiex l-utenti aħħarija – is-sewwieqa – jiġu mħarrġa u jifhmu sew l-elementi rilevanti tas-sistema. Dan ser jinvolvi l-appoġġ ta’ kampanji promozzjonali u ta’ pubbliċità dwar dawn it-teknoloġiji moderni kif ukoll metodi innovattivi (pereżempju l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-vetturi intelliġenti permezz ta’ kompetizzjoni għall-iktar vettura intelliġenti fl-Ewropa).

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni Nru 4/2004 Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29dwar l-ipproċessar tad-data personali permezz ta’ sorveljanza bil-video, WP 89, 11.2.2004 (mhux disponibbli bil-Malti). Dikjarazzjoni dwar l-Infurzar magħmula mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, WP 101, 25.11.2004. http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2004_en.htm

(2)  COM(2007) 607.

(3)  Għandha titressaq mill-Kummissjoni Ewropea fl-2009

(4)  http://ec.europa.eu/dgs/energy_transport/galileo

(5)  COM(2008) 433.

(6)  COM(2007) 541.

(7)  www.esafetysupport.org

(8)  http://cordis.europa.eu/fp7

(9)  www.esafetysupport.org/en/ecall_toolbox

(10)  http://cordis.europa.eu/technology-platforms

(11)  COM(2007) 22.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq”, rapporteur: is-Sur Simons, 17.9.2008 (TEN/348), ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70-72.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija”

COM(2009) 35 finali – 2009/0010 (COD)

(2009/C 277/18)

Rapporteur Ġenerali: is-Sur RETUREAU

Nhar l-10 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 156 u 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Komunità għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija

COM(2009) 35 finali – 2009/0010 (COD)

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni sabiex tħejji l-ħidma dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-453 Sessjoni Plenara tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur Retureau bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’129 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Proposti

1.1.   Fl-aħħar ta’ Jannar 2009, bil-għan li jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija, il-Kummissjoni pproponiet li talloka mill-ġdid EUR 5 biljun mill-baġit tal-2008 mill-fondi strutturali agrikoli li ma ntefqux; din il-proposta ppruvat tiffaċilita l-investiment fl-enerġija sostenibbli u l-aċċess għall-broadband fiż-żoni rurali.

1.2.   Id-diskussjonijiet fil-Kunsill u t-talbiet minn xi membri parlamentari wasslu għal negozjati dwar il-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati fost l-Istati Membri, filwaqt li l-Parlament iddispjaċih għan-nuqqas ta’ investiment f’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija.

1.3.   Jidher li ntlaħaq ftehim informali bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ koleġiżlaturi f’nofs April, b’rabta mal-aspett tal-enerġija, fuq somma ta’ EUR 3.98 biljun, meta mqabbla ma’ dik ta’ EUR 3.5 biljun stipulata fl-abbozz tar-Regolament. Il-ftehim jistipula li jekk it-EUR 3.98 biljun allokati għall-proġetti ta’ enerġija (interkonessjonijiet tal-elettriku u tal-gass; enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju) ma jkunux intefqu kollha sa tmiem l-2010, ikunu jistgħu jintużaw għal proġetti oħra, pereżempju għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-idea li riżorsi baġitarji mhux użati mill-2008 jiġu allokati għal proġetti li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea, li staġnat ruħha bil-kriżi sistemika li qed tolqot lill-ekonomija dinjija u bin-nuqqas ta’ rieda tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu self b’interessi baxxi lin-negozji, l-iktar lill-SMEs u lill-istartups.

2.2.   Fil-qagħda attwali, jeħtieġ li nieħdu azzjoni kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li nagħtu prijorità lil proġetti speċifiċi li jaqblu mal-għanijiet fuq tul qasir u twil ta’ żmien ta’ żvilupp sostenibbli, bħall-enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp tal-komunikazzjonijiet bil-broadband f’żoni li għadhom mhumiex konnessi mal-internet b’teknoloġiji effiċjenti kif xieraq.

2.3.   Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-approċċ ġenerali tar-Regolament, iżda jifhem li l-espressjoni tal-interessi u t-tħassib nazzjonali differenti marbuta mal-bidla fil-klima jistgħu jwasslu għal xi tibdil fil-proposta tal-bidu.

2.4.   Dak li jeħtieġ li jiġri issa huwa li l-miżuri proposti jittieħdu mill-aktar fis possibbli, għax il-ħin huwa prezzjuż fil-ġlieda kontra din il-kriżi. Jekk ma tintweriex rieda politika, u jekk il-miżuri jittieħdu tard wisq, għandhom mnejn ibatu l-objettivi li qed nippruvaw nilħqu.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih għall-fatt li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex tiġi miġġielda l-kriżi huma b’mod ġenerali wisq dgħajfa meta jitqies l-impatt mgħaġġel u mifrux tagħha fuq l-impjiegi u n-negozji. Jiddispjaċih ukoll li ma tressqux proposti aktar b’saħħithom u li ma ngħatawx sinjali aktar ċari fix-xhur li għaddew diġà.

3.2.   Mingħajr dubju, il-Kumitat ser joħroġ opinjoni dwar proposti oħrajn, bħal dawk dwar ir-regolamentazzjoni tal-movimenti transkonfinali tal-kapital jew il-ġlieda kontra r-refuġji fiskali (tax haven); ser jagħmel dan meta jkun il-waqt, iżda qed jistenna proposti b’saħħithom u effettivi li jilqgħu tassew għal kriżi li diġà jidher li qed ikollha konsegwenzi aktar serji minn dawk ta’ kriżijiet oħra li diġà għaddejna minnhom.

Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa”

COM(2008) 699 finali

(2009/C 277/19)

Rapporteur: is-Sur FORNEA

Nhar l-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa

COM(2008) 699 finali.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Fornea.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’194 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (1)

Il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

1.1.   L-UE għandha tħejji evalwazzjoni tal-analiżi nazzjonali ta’ materja prima strateġika u kritika u tistabbilixxi ħarsa ġenerali tal-UE, simili għal dik li għamel il-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka għall-Istati Uniti u l-Ġappun. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-politiki tagħhom dwar il-provvista tal-materja prima sabiex jaraw xi tfisser il-kritikalità għal kull Stat Membru tal-UE u għall-UE kollha kemm hi. Il-kritikalità tal-materji primi individwali għandha tiġi evalwata regolarment, jekk jista’ jkun kull sentejn jew tliet snin, sabiex jiġu monitorjati l-bidliet.

1.2.   Filwaqt li jista’ jipprovdi punt ta’ tluq, workshop tal-OECD/BIAC (il-Kumitat Konsultattiv tal-OECD għan-Negozju u l-Industrija) dwar l-aċċess għall-materja prima dan jista’ jillimita l-isfera tal-UE mill-bidu nett. Billi ġie identifikat għadd kritiku ta’ materja prima, dawk il-pajjiżi li diġà qegħdin jew li fil-futur jistgħu jkunu qed jipprovdu din il-materja prima għandhom ikunu evalwati fir-rigward tal-potenzjal tagħhom għal kooperazzjoni utli. Wara għandhom jittieħdu passi diplomatiċi.

1.3.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ, u jixtieq jieħu sehem, f’konferenzi relatati organizzati mill-Presidenzi tar-Repubblika Ċeka, l-Iżvezja u Spanja fl-2009 u l-2010 dwar il-kwistjoni tal-provvista u d-domanda ta’ riżorsi minerali, l-aċċess għal artijiet, l-aqwa teknoloġiji disponibbli u t-tisħiħ tal-kapaċità.

1.4.   Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha li tappoġġja negozjati effettivi fil-livell internazzjonali, mhux biss biex telimina ostakli u distorsjoni inġusta fil-kummerċ, iżda anke biex tgħin fit-tfassil ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali ta’ investiment.

1.5.   Il-Kummissjoni għandha tattiva l-mekkaniżmi neċessarji għall-azzjoni f’każ ta’ ksur tar-regoli tad-WTO minn pajjiżi barra l-UE (pereżempju taxxi/restrizzjonijiet fuq materjali).

1.6.   It-tariffi esterni tal-UE għandhom ikunu stabbiliti bil-għan li jiżguraw li materja prima prodotta b’mod sostenibbli ma tiġix eskluża mis-suq tal-UE. Għandha ssir analiżi tat-tariffi eżistenti biex jiġu identifikati linji ta’ tariffi li għandhom ikunu soġġetti għal bidla.

1.7.   L-UE għandha tfittex id-diplomazija fir-rigward tal-materja prima bl-iskop li tiżgura aċċess għaliha u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ fondi u programmi ffokati fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jappoġġjaw il-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima u l-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.8.   Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa b’mod attiv fil-laqgħat annwali tal-Forum Dinji tal-Ministri għall-Minjieri u l-Forum Intergovernattiv dwar il-Minjieri u l-Metalli bl-għan li tistabbilixxi relazzjonijiet aħjar ma’ numru ta’ awtoritajiet dinjija dwar din il-kwistjoni, biex tidentifika u ssaħħaħ l-opportunitajiet għall-investiment fl-UE.

1.9.   Għandu jitħejja inventarju tal-aħjar prattiki regolatorji fl-UE rigward l-aċċess għal art għall-industriji tal-materja prima bil-għan li jiġu semplifikati l-proċeduri u titnaqqas l-isterilizzazzjoni tar-riżorsi minerali li jirriżultaw minn prattiki inadegwati tal-ippjanar tal-użu tal-art.

1.10.   Il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja l-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għar-Riżorsi Minerali Sostenibbli u tinkludi s-suġġetti tagħha fl-appelli li ġejjin għall-2009–2013. Huwa importanti wkoll li jiġu promossi temi marbuta mal-materja prima fost l-oqsma ta’ azzjoni prijoritarja fit-8 Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp, bħal pereżempju l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u fl-użu tal-enerġija.

1.11.   Il-Kummissjoni għandha trawwem metodoloġija oġġettiva bbażata fuq analiżi ta’ ċiklu sħiħ ta’ ħajja biex tevalwa l-validità ta’ miżuri ta’ effiċjenza tar-riżorsi u ta’ kull “politika ta’ sostituzzjoni ta’ materja”.

1.12.   Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom isaħħu r-riċiklaġġ u jiffaċilitaw l-użu ta’ materja prima sekondarja fl-UE u jipproponu strateġiji tajbin għar-riċiklaġġ, l-irkuprar u l-użu mill-ġdid f’pajjiżi barra mill-UE billi jippromovu l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali.

1.13.   Hemm bżonn aktar konsultazzjonijiet u riċerka biex tinfiehem aħjar kemm il-metodoloġija applikata għall-materja prima minerali mhux relatata mal-enerġija hija adegwata għas-sitwazzjoni speċifika ta’ materja prima rinnovabbli mhux relatata mal-enerġija, bħal pereżempju l-injam u l-ġlud (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka l-iktar fuq il-kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima minerali mhux relatata mal-enerġija. Huwa dibattibbli jekk huwiex l-aħjar mod li tintuża l-istess proċedura għal materja prima oħra, iżda ċertament, permezz ta’ kooperazzjoni soda bejn id-dipartimenti speċjalizzati tal-Kummissjoni, se jkun possibbli li jinħoloq strument integrat għall-evalwazzjoni tal-materja prima strateġika u kritika kollha għall-industriji u d-difiża tal-UE.)

2.   Sfond

2.1.   It-tendenza ta’ prezzijiet dejjem ogħla ta’ materja prima waqfet, għall-inqas temporanjament. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinsab fiduċjuża li t-tendenza se terġa’ tibda u li “l-livelli tat-tkabbir tal-pajjiżi emerġenti jżommu pressjoni għolja fuq id-domanda għall-materja prima”. Il-fatturi kritiċi huma l-ewwel nett, jekk il-pajjiżi b’ekonomijia li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari ċ-Ċina, humiex se jkunu kapaċi jgħaddu mingħajr problemi minn metodu ta’ tkabbir, ibbażat l-aktar fuq investiment ta’ kapital fiss immexxi minn opportunitajiet ta’ kummerċ f’setturi ta’ manifattura orjentati lejn l-esportazzjoni, lejn metodu li jiddependi aktar fuq il-konsum domestiku, u t-tieni, jekk dan it-tkabbir tal-aħħar jirriżultax fl-istess rata ta’ żieda fid-domanda għall-materja prima.

2.2.   Kif tosserva l-Komunikazzjoni, l-UE hija awtosuffiċjenti fil-minerali għall-kostruzzjoni (fejn fornituri barranin huma mxekkla minn spejjeż tat-trasport għoljin meta mqabbla mal-valur tal-materjali) iżda tiddependi mill-importazzjoni ta’ ċerti materjali ta’ importanza ekonomika strateġika. L-importanza strateġika tagħhom ġejja mill-fatt li huma essenzjali għall-produzzjoni industrijali sa punt li huwa sottovalutat sew mill-valur ekonomiku tagħhom, u minn provvisti konċentrati fuq numru żgħir ta’ fornituri kummerċjali u pajjiżi, li wħud minnhom huma assoċjati ma’ riskji politiċi kbar.

2.3.   Il-Komunikazzjoni tesprimi numru ta’ preokkupazzjonijiet dwar il-provvisti. Erba’ tipi ta’ riskju, li jiddependu mill-perspettiva u l-oriġini tar-restrizzjonijiet fil-provvista, jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet ta’ tħassib:

kompetizzjoni intensifikata għall-materja prima bejn dawk li jipproċessawha, li timmanifesta ruħha fi prezzijiet ogħla u devjazzjoni ta’ materjali lejn destinazzjonijiet ġodda għal riżorsi primarji u sekondarji;

“il-ħażna” ta’ materja prima minħabba ostakli għall-esportazzjoni bħal taxxi fuq l-esportazzjoni u sistemi ta’ pprezzar doppju (il-Komunikazzjoni tagħti għadd ta’ eżempji);

il-kompetizzjoni għall-beni li jipproduċu l-materja prima f’pajjiżi terzi (pereżempju: kompetizzjoni bejn opportunitajiet ta’ investiment u aċċess għal depożiti minerali fl-Afrika);

ir-riskju ta’ interruzzjonijiet fil-provvista fiżika ta’ materja prima ta’ importanza ekonomika strateġika (pereżempju: interruzzjoni potenzjali ta’ provvisti ta’ elementi metalliċi rari (REE – it-teknoloġiji kollha ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija huma bbażati fuq konsum dejjem jikber ta’ elementi metalliċi rari (pereżempju karozza hybrid fiha madwar 20 kg ta’ REE). Iċ-Ċina hija l-fornitur ewlieni fid-dinja, iżda wkoll l-akbar konsumatur dinji ta’ REE. Sal-lum, jeżistu biss veru ftit alternattivi vijabbli għall-provvista ta’ REE miċ-Ċina), li l-provvista tagħhom hija kkonċentrata ħafna u li huma importanti f’numru ta’ applikazzjonijiet). Il-minerali kritiċi jistgħu jkunu għodod b’saħħithom fin-negozjar u anki armi fit-taqbida tal-gwerra ekonomika.

2.4.   L-ewwel żewġ tipi ta’ riskju jaffettwaw direttament il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tal-materja prima, u billi jirriżultaw minn prattiki jew miżuri tal-politika tal-kummerċ antikompetittivi, il-konsegwenzi tagħhom għandhom ikunu indirizzati fil-kuntest tal-politika tal-kummerċ u l-kompetizzjoni.

2.5.   It-tielet riskju tirrigwarda inqas lill-industrija li tuża l-materja prima, għaliex m’hemm l-ebda raġuni per se li wieħed jistenna li s-sidien ta’ riżorsi naturali jkollhom interess li jiddiskriminaw bejn klijenti għad-detriment tal-industrija tal-UE, iżda hemm raġunijiet għal tħassib kemm minħabba l-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva fuq perijodu fit-tul tal-industrija tal-minjieri bbażata fl-Ewropa u kemm minħabba l-effett fuq il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ċentru għall-finanzi, għall-iżvilupp teknoloġiku u netwerking korporattiv tal-minjieri. Żviluppi reċenti f’dan ir-rigward qajmu wkoll tħassib dwar il-prospettivi għal żvilupp sostenibbli f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu fuq esportazzjoni bbażata fuq riżorsi naturali.

2.6.   Fl-aħħar nett, ir-raba’ tip ta’ riskju jista’ jikkawża ħsara kbira lis-sistema ekonomika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll telf tal-impjiegi, billi jwaqqaf il-produzzjoni minħabba nuqqas ta’ materjali meħtieġa. Dan ir-riskju għandu jiġi indirizzat direttament, anki, possibbilment, permezz ta’ miżuri li ma ġewx ikkunsidrati qabel. Ta’ min jinnota li r-riskju ġie kkunsidrat serjament biżżejjed kemm mill-Istati Uniti (ara Minerali, Minerali Kritiċi u l-Ekonomija tal-Istati Uniti, rapport tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka, www.nap.edu/catalog.php?record_id=12034) u kemm mill-Ġappun (ara l-Linji Gwida għall-Iżgurar ta’ Riżorsi Nazzjonali, www.meti.go.jp/english/press/data/nBackIssue200803.html) biex jiġu ġġustifikati inizjattivi ġodda ta’ politika. Fir-rapporti tal-istampa ntqal ukoll li ċ-Ċina bdiet tistabbilixxi ħażna ta’ materja prima bil-ħsieb li ttaffi l-effetti ta’ interruzzjonijiet fil-provvisti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2008) 699, Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima) bħala fattur prinċipali biex tiġi żgurata l-provvista sostenibbli tal-UE ta’ materja prima mhux relatata mal-enerġija, b’mod partikolari r-riżorsi minerali (ara p.3 tal-COM(2008) 699 finali) biex twieġeb għall-bżonnijiet kritiċi tagħna għall-iżvilupp u l-impjiegi. Il-KESE jinsab ħerqan li jara l-ħolqien ta’ struttura u r-riżorsi meħtieġa li se jgħinu fl-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati.

3.2.   Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ilhom ħafna żmien jitolbu għal approċċ integrat għal din il-kwistjoni, biex jgħaqqad flimkien ħafna politki u programmi tal-UE. Huwa l-mertu tal-Kummissjoni li, permezz ta’ din l-inizjattiva, issuġġeriet soluzzjonijiet għall-isfidi li ġabet magħha n-neċessità li tiġi żgurata provvista sostenibbbli b’materja prima mhux relatata mal-enerġija għall-industriji tal-UE billi jiġu integrati politiki għat-titjib tal-provvista minn barra u ġewwa l-UE permezz ta’ miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u l-attivitajiet ta’ riċiklaġġ.

3.3.   B’mod partikolari l-iżviluppi internazzjonali, mingħajr ma kellhom l-ebda effett fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà applikabbli fl-UE rigward il-politiki tar-riżorsi u tal-ippjanar tal-artijiet, urew biċ-ċar il-bżonn ta’ approċċ aktar koordinat fil-livell tal-UE.

3.4.   Il-KESE huwa sodisfatt li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat approċċ simili, u identifikat kważi l-istess sfidi u soluzzjonijiet li ġew preżentati fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja l-aktar reċenti tal-KESE marbuta ma’ dan is-suġġett (2). Dan id-dokument inħareġ biex jgħin lill-Kummissjoni tieħu opinjoni minn qabel tas-soċjetà ċivili, u rriżulta, wara proċess estiż ta’ konsultazzjoni mibdi mill-Kummissjoni Konsultattiva tal-Bidla Industrijali tal-KESE, f’risposta għall-Karta ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni “Is-Sigurtà tal-Provvista tal-Materja Prima għall-Industrija” (IP/07/767 tal-5 ta’ Ġunju 2007) li kienet maħsuba biex tantiċipa l-inizjattiva attwali dwar il-materja prima.

3.5.   Fil-kuntest tal-impenn tal-UE biex jiġi żviluppat metodu dinji biex jiġu trattati l-effetti tal-bidla fil-klima permezz tat-titjib tat-teknoloġiji għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ użu responsabbli tar-riżorsi naturali u ta’ metodi li jagħmlu l-industriji tagħha aktar ekoloġiċi, il-KESE għal darb’oħra qed jenfasizza l-importanza strateġika tas-sigurtà tal-provvista ta’ minerali mhux għall-enerġija u tal-Politika Ewropea dwar l-Enerġija, b’attenzjoni partikolari għall-interdipendenza ta’ dawn is-setturi, minħabba l-fattur teknoloġiku.

3.6.   L-UE tiddependi ħafna mill-importazzjoni ta’ metalli ta’ “teknoloġija avvanzata” u mhux se jirnexxielha tikkontrolla t-tranżizzjoni lejn produzzjoni sostenibbli u teknoloġiji aktar ekoloġiċi jekk ma tingħatax aċċess żgur għall-metalli ta’ teknoloġiji avvanzati u materja prima rari (għal dak li jirrigwarda kompetizzjoni, riskji, konċentrazzjoni ġeografika ta’ riżorsi u faċilitajiet tal-produzzjoni) (3).

3.7.   Din il-Komunikazzjoni hija bħal analiżi SWOT tal-kwistjonijiet kurrenti dwar il-provvista ta’ materja prima u għalhekk issa teħtieġ appoġġ koordinat mill-Istati Membri tal-UE flimkien ma’ azzjonijiet koordinati mid-diversi dipartimenti kkonċernati tal-Kummissjoni (DEV, ENTR, ENV, EUROSTAT, REGIO, RELEX, RTD) biex jiġu implimentati għadd ta’ passi li jinvolvu mhux biss il-Kummissjoni iżda anki partijiet interessati essenzjali (industriji tal-estrazzjoni aktar ’l isfel fil-proċess (il-Kunsill Internazzjonali dwar il-Minjieri u l-Metalli (International Council on Mining and Metals – ICMM) għandu jiġi mistieden biex jipparteċipa u jikkontribwixxi, permezz tas-settur tiegħu għar-riżorsi minerali globali, viżjoni ta’ żvilupp u kompetenza biex tikkomplementa l-viżjoni aktar iffokata fuq l-UE tal-Euromines), in-negozju, l-istħarriġ ġeoloġiku, soċjetà ċivili organizzata) biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-forniment b’mod konformi ma’ miri għal żvilupp sostenibbli.

3.8.   L-istrutturi eżistenti tal-UE li jittrattaw dawn l-argumenti kienu dgħajfa wisq u hemm bżonn li jissaħħu b’nies ta’ livell ogħla f’dak li hu relatat ma’ teħid ta’ deċiżjonijiet, flimkien ma’ analiżi teknika u ekonomika msaħħa tal-bżonnijiet futuri ta’ materja prima u azzjoni aktar soda biex jinkiseb l-iktar li hu teknikament u ekonomikament vijabbli minn sorsi Ewropej u biex tittejjeb il-proviżjoni sostenibbli minn sorsi barra mill-UE. Se tinħtieġ strateġija aktar fit-tul u sistema regolari ta’ analiżi peress li l-investiment fl-estrazzjoni tal-materja prima f’ħafna każi huwa vijabbli biss fuq perijodi itwal.

3.9.   Dawn il-prinċipji huma l-bażi tal-proposti li saru:

3.9.1.   Is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għall-UE tikkonsisti l-ewwel nett fl-iżgurar li l-ekonomija tal-Unjoni ma jiġrilhiex ħsara minn xokkijiet fil-provvista ta’ materja prima, iżda wkoll li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi, tal-industriji tal-UE li jiddependu mill-materja prima importata u tal-industriji tal-UE li jipproduċu materja prima kif ukoll il-bżonn li jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd. Dawn l-interessi kollha għandhom jiġu kkunsidrati u implimentati b’attenzjoni għall-impenji u l-politiki tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp internazzjonali, kif ukoll tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. L-użu ta’ materja prima għandu jiġi ottimizzat, b’konsiderazzjoni tal-interazzjoni tagħha mal-ambjent, mal-bżonnijiet tal-komunitajiet u mal-użu sostenibbli tal-enerġija.

3.9.2.   Politika tal-UE dwar il-provvista tal-materja prima għandha titqiegħed fuq bażi analitika soda. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-għarfien rilevanti jkun disponibbli u li dan jiġi analizzat permezz tal-aħjar metodi possibbli.

3.10.   l-prattiki regolatorji dwar il-materja prima jvarjaw ħafna fl-UE u hemm lok konsiderevoli għal titjib f’pajjiżi individwali permezz tat-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki.

4.   Kummenti dwar ir-reazzjoni għall-politika proposta (4)

4.1.   L-ewwel pilastru: Aċċess għall-materja prima fis-swieq dinjija b’kundizzjonijiet ekwi

4.1.1.   Il-Komunikazzjoni tipproponi li l-UE għandha (i) issegwi b’mod attiv id-diplomazija tal-materja prima bl-iskop li tiżgura aċċess għaliha, (ii) tippromovi kooperazzjoni internazzjonali mtejba u (iii) tagħti prijorità lill-aċċess għall-materja prima fil-politika kummerċjali u regolatorja tal-UE.

4.1.2.   Wara l-identifikazzjoni tal-pajjiżi l-aktar għonja fir-riżorsi, il-kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għall-materja prima f’dawn l-pajjiżi għandhom jiġi diskussi mar-rappreżentanti ta’ dawn l-istati. Il-politika tal-iżvilupp tal-UE għandha toħloq fondi u programmi li jappoġġjaw il-produzzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-materja prima f’dawn il-pajjiżi.

4.1.3.   L-UE għandha teżamina mill-ġdid l-iskemi ta’ ffinanzjar tagħha għal dawk il-pajjiżi li diġà huma Stati Membri tal-UE jew ġirien tagħhom, billi t-trasport ta’ riżorsi minn dawn il-pajjiżi huwa aktar sostenibbli. B’mod partikolari, għandu jingħata appoġġ lill-aħħar Stati Membri li daħlu fl-UE, lill-istati Balkani, l-istati tal-Afrika ta’ Fuq u t-Turkija. L-inizjattiva tal-iddotar tar-riżorsi (Resource Endowment) tal-ICMM (inizjattiva li tnediet fl-2004 mill-Kunsill Internazzjonali għat-Tħaffir mill-Minjieri u l-Metalli. Din hija intiża biex tidentifika l-prattika tajba tal-politika għall-investimenti fil-minjieri u l-metalli fil-livell nazzjonali, reġjonali u korporattiv fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) tista’ sservi bħala mudell siewi għall-istrateġiji tar-riżorsi u l-iżvilupp.

4.1.4.   Bosta rakkomandazzjonijiet konkreti jaqgħu fil-kategorija tat-tisħiħ tal-kompatibbiltà bejn il-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-ħtieġa tal-UE għal aċċess mingħajr distorsjoni għall-materja prima. Il-proposti mressqa rigward it-tisħiħ tal-istati, il-promozzjoni ta’ klima soda għall-investiment u l-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-materja prima huma kollha rilevanti u kostruttivi.

4.1.5.   It-tariffi esterni tal-UE għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jiżguraw li materja prima prodotta b’mod sostenibbli ma tiġix eskluża mis-suq tal-UE. Għandha ssir analiżi tat-tariffi eżistenti biex jiġu identifikati linji ta’ tariffi li jistgħu jinbidlu.

4.1.6.   L-għajnuna fil-qasam tal-materja prima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun iffokata fuq tisħiħ tal-kapaċità bl-għan li tappoġġja u tiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jkabbru kemm jista’ jkun il-kontribut tal-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-materja prima lejn l-iżvilupp. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jingħata appoġġ għall-politiki u l-metodi li huma inklużivi u parteċipatorji u li jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet u l-interessi ta’ dawn il-popolazzjonijiet.

4.1.7.   L-għajnuna għall-iżvilupp fil-qasam tal-materja prima teħtieġ ukoll li tibni fuq koalizzjonijiet wesgħin u sħubijiet li jiggarantixxu l-impenn tal-partijiet kollha interessati, inklużi, b’mod partikolari, l-industrija tal-materja prima, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-livelli kollha tal-gvern.

Għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkollha bħala komponent qawwi l-appoġġ għat-tisħiħ tal-infrastruttura li tista’ tintuża kemm minn intrapriżi li jipproduċu l-materja prima u kemm minn intrapriżi iżgħar, komunitajiet tal-biedja u attivitajiet ekonomiċi rurali oħra. Waqt li dan il-metodu partikolari ta’ kooperazzjoni ġie kkritikat talli kkontribwixxa inqas milli kien possibbli għall-iżvilupp, huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li huwa jirrispondi għall-bżonn qawwi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiġi stimulat l-iżvilupp permezz ta’ titjib fl-infrastruttura, u li mekkaniżmi oħra għall-finanzjament ta’ tali investimenti ma kinux suffiċjenti.

4.1.8.   Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-argumenti diffiċli li jirrigwardaw l-istatistika tal-kummerċ dwar ir-riżorsi minerali. Dawn huma bbażati fuq rapporti tad-dwana organizzati skont il-Klassifikazzjoni ta’ Kummerċ Internazzjonali (SITC) jew is-Sistema Armonizzata (HS) jew il-Kategoriji Ekonomiċi Ġenerali (BEC) u jbatu minn kwalità fqira ta’ rapportar f’uħud mill-pajjiżi. Barra minn dan, l-istatistika tal-kummerċ ma tistax tipprovdi informazzjoni xierqa, tant bżonjuża, dwar il-konsum reali tal-minerali mill-ekonomiji dinjija għaliex il-kontenut minerali u metalliku f’konċentrati kummerċjali, prodotti kważi kompluti u oġġetti manifatturati mhuwiex irreġistrat. Hemm bżonn ta’ riċerka, kif ukoll ta’ kunsens internazzjonali, dwar kif tista’ tittejjeb is-sistema attwali tal-istatistika biex ikun jista’ jiġi kkalkulat aħjar il-konsum tal-minerali u tal-metalli, permezz tal-użu ta’ valuri “proxy” għall-kontenut ta’ minerali u metalli f’karozza standard, tunnellata karta standard, eċċ.

4.1.9.   Il-Komunikazzjoni tidħol ftit fid-dettall rigward il-politika kummerċjali u regolatorja. Il-proposti jidentifikaw oqsma ta’ interess vitali għall-UE u jidhru li huma ta’ min jimplimentahom. Wieħed mill-punti mqajma jistħoqqlu jiġi enfasizzat b’mod partikolari: li “l-UE għandha wkoll tirrevedi ta’ spiss ir-reġim tat-tariffi tagħha bl-għan li tiżgura koerenza mal-iżviluppi fid-domanda tal-UE għall-materja prima u b’mod partikolari tevalwa modi biex tbaxxi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-materji primi”.

4.1.10.   L-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu implimentati b’attenzjoni għall-effetti tagħhom barra miż-żona tal-UE u m’għandhomx ikunu ta’ skuża jew rifuġju għal prattiki li jmorru kontra l-interess tal-konsumaturi u tal-ambjent billi jxekklu l-kummerċ. Huwa importanti li s-sigurtà tal-provvista u l-objettivi għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni inġusta bbażata fuq aċċess privileġġjat għall-materja prima ma jiġux użati biex jippromovu l-protezzjoniżmu jew biex ixekklu l-kummerċ u l-aċċess għas-suq tal-UE għall-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.2.   It-tieni pilastru: It-trawwim ta’ provvista sostenibbli ta’ materja prima minn sorsi Ewropej

4.2.1.   L-iżvilupp sostenibbli lokali u reġjonali fl-UE huwa influwenzat direttament mill-iżvilupp futur tas-setturi ekonomiċi li huma kapaċi jisfruttaw il-potenzjal ta’ kull zona. Il-KESE huwa tal-fehma li meta jiġi kkunsidrat il-kalkolu ta’ riżerva għal kull depożitu minerali l-attivitajiet ekonomiċi tal-minjieri jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali kif ukoll għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE, billi jipprovduhom bir-riżorsi. B’hekk jistgħu jikkontribwixxu lejn:

l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali u l-provvista tal-materja prima meħtieġa mill-attivitajiet industrijali;

it-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni u l-iżgurar ta’ użu aħjar tar-riżorsi;

iż-żamma ta’ numru raġonevoli ta’ ħaddiema tas-sengħa f’dan il-qasam, biex jibqa’ possibbli li l-esplorazzjoni u l-industrija tal-estrazzjoni fl-UE jkomplu għaddejjin;

aktar impjiegi u impjiegi aktar sikuri;

il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp reġjonali;

it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol.

4.2.2.   Meta titqies l-istorja twila tagħha ta’ estrazzjoni tal-minerali, jeħtieġ li l-Ewropa tagħti direzzjoni rigward il-kompetenza u l-esperjenza fil-kwistjonijiet bħal kif għandha tiġi ttrattata l-estrazzjoni tal-materja prima, l-aħjar sfruttar possibbli mill-kontribut tal-produzzjoni tal-materja prima għall-iżvilupp ekonomiku, l-użu sostenibbli tagħha u t-trattament tal-art wara l-estrazzjoni b’mod li tibbenefika s-soċjetà.

4.2.3.   L-Istati Membri għandhom janalizzaw sa liema punt il-proċessi tal-ippjanar tal-użu tal-art jinkludu potenzjal għall-materja prima u jekk it-twaqqif tal-prijoritajiet f’każ ta’ użi tal-art li jikkompetu għadux adegwat fil-kuntest tal-bżonn li tiġi akkwistata materja prima b’mod sostenibbli, jiġifieri billi jiġi applikat il-prinċipju tal-prossimità kull fejn possibbli u vijabbli mil-lat kummerċjali.

4.2.4.   L-istat tal-għarfien ġeoloġiku jinbidel kontinwament, u għalhekk il-proċeduri għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex fil-ġejjieni jippermettu aċċess għal riżorsi naturali li mhumiex identifikati.

4.2.5.   Għandu jitħejja inventarju tal-aħjar prattiki regolatorji fl-UE rigward l-aċċess għal artijiet għall-industriji tal-materja prima bil-għan ta’:

semplifikazzjoni tal-proċeduri u li jsiru iktar simili fi ħdan l-Unjoni, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-interessi tal-użu tal-artijiet li jikkompetu, inkluża l-konservazzjoni, jitqiesu b’mod xieraq;

tnaqqis tal-isterilizzazzjoni tar-riżorsi minerali li jirriżulta minn użu inadegwat tal-artijiet u prattiki tal-ippjanar. Huwa ta’ importanza partikolari li d-dispożizzjonijiet li jiżguraw l-aċċess għall-artijiet ma jikkonċernawx biss iż-żoni mineralizzati magħrufin.

4.2.6.   Wara l-iżvilupp tal-linji gwida dwar il-kompatibbiltà ta’ Natura 2000 mal-estrazzjoni tal-materja prima, l-Istati Membri għandhom janalizzaw il-linji gwida nazzjonali tagħhom u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu konxji mill-fatt li Natura 2000 ma tipprojbixxix l-estrazzjoni ta’ materja prima (Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jipprovdi għodda eċċellenti biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jiġu rispettati mill-industriji tal-estrazzjoni).

4.2.7.   Biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar il-provvista ta’ materjali ekonomikament strateġiċi u l-użu tal-materja prima fl-UE, għandha titħejja analiżi għall-UE simili għal dik imwettqa mill-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka għall-Istati Uniti. L-analiżi għandha timmira lejn l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni kemm tar-riskji potenzjali u kemm tal-provvista ta’ materji lill-industriji tal-UE kif ukoll lejn il-kritiċità ta’ materji differenti fid-diversi użi aħħarija tagħhom (dawn l-aspetti għandhom jiġu kkunsidrati: id-disponibbiltà fiżika ta’ wħud mill-minerali li jistgħu jiġu estratti minn pajjiżi tal-UE, grad ta’ sostituzzjoni, riskji ġeopolitiċi li jirrigwardaw il-kummerċ internazzjonali f’materja prima strateġika u kritika, bżonnijiet tal-UE għad-difiża).

Il-Komunikazzjoni tinkludi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba biex itejbu l-bażi tal-għarfien dwar il-materja prima. Madankollu, ma ġie propost xejn sabiex jittejjeb l-għarfien dwar l-użu tal-materja prima fl-UE. Jidher li din hija waħda mill-ewwel prijoritajiet li tikkonforma mal-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki koerenti u li tiġi sfruttata kemm jista’ jkun l-effikaċja tal-miżuri. Ir-rapport tal-Istati Uniti dwar il-materji kritiċi jinkludi metodoloġija li tista’ tiġi applikata għaċ-ċirkostanzi Ewropej.

4.2.8.   B’mod partikolari, analiżi kompluta tal-potenzjal tar-riżorsi ġeoloġiċi analizzata b’teknoloġiji moderni hija mixtieqa flimkien ma’ valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ Stħarriġ Ġeoloġiku Nazzjonali biex tipprovdi data, informazzjoni u kompetenza tal-ogħla kategorija dwar ir-riżorsi minerali. Azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ għal ksib ta’ data ġeoloġika (kif użata hawn l-espressjoni tinkludi data tematika marbuta mal-ġeoloġija bħal dik ġeokimika jew ġeofiżika) għandhom ikunu ddelinjati u implimentati permezz tal-estensjoni futura tas-Servizzi tal-Artijiet tal-GMES (Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) u/jew il-Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi formali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

4.2.9.   L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jappoġġjaw lill-Presidenzi tar-Reppublika Ċeka, l-Iżvezja u Spanja fl-avvenimenti relatati tagħhom, b’mod partikolari:

Taħt il-Presidenza Svediża tal-UE, għandha tinżamm konferenza bl-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki għall-ippjanar tal-artijiet u l-ġestjoni sostenibbli ta’ artijiet wara l-estrazzjoni.

F’Diċembru 2009 se tiġi organizzata l-Konferenza ta’ Rovaniemi (il-Finlandja) dwar l-Esplorazzjoni u t-Tħaffir tal-Minjieri li mistennija tittratta l-aħjar prattika għat-trawwim tal-esplorazzjoni fl-Ewropa

Għandha titħejja konferenza dwar l-Esplorazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa u l-Balkani bl-assistenza tal-għodda TAIEX tal-UE.

4.2.10.   Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku għall-materja prima għandhom jingħataw prijorità, b’enfasi partikolari fuq teknoloġiji kompatibbli ma’ politiki sodi ta’ konservazzjoni. L-aħjar prattiki fil-qasam tal-esplorazzjoni, il-produzzjoni aktar nadifa u r-riċiklaġġ għandhom jiġu promossi, bil-għan partikolari li jiġu implimentati prattiki vijabbli mil-lat ekonomiku li jużaw inċentivi bbażati fuq is-suq. L-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni mħejji mill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għar-Riżorsi Minerali Sostenibbli tista’ sservi ta’ bażi għal dan l-iskop.

4.3.   It-tielet pilastru: L-isfruttar tal-konsum tal-materja prima ewlenija fl-UE

4.3.1.   L-opinjoni pubblika tikkunsidra li l-persuni legali huma fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-kundizzjonijiet ambjentali, rispettivament, il-kumpaniji tal-minjieri u dawk kummerċjali, iżda fil-fatt, is-soċjetà kollha ġġorr ir-reponsabbiltà għall-konsum tal-prodotti li jinkludu dawn ir-riżorsi.

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu konxji tal-fatt li l-eżistenza tagħna tiddependi fuq l-utilizzazzjoni ta’ riżorsi minerali iżda fl-istess ħin huwa importanti ħafna li jiġi mħares l-ambjent u li jiġi promoss il-konsum responsabbli tal-materja prima.

4.3.2.   L-iżvilupp ta’ politiki u miżuri prattiċi għall-isfruttar tal-użu ta’ materja prima ma jistax isir b’mod iżolat mill-interessi leġittimi barra mill-UE u għandu jikkunsidra l-kapaċitajiet veri f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, kemm fir-rigward tar-regolamentazzjoni kif ukoll tal-użu tat-teknoloġija. Il-leġiżlazzjoni REACH ġiet ikkritikata bl-aħrax minn għadd kbir ta’ pajjiżi Afrikani li huma mħassba li tista’ twassal għal diskriminazzjoni bla bżonn tal-esportazzjoni minerali tagħhom. Bl-istess mod, f’ċerti pajjiżi Ażjatiċi, il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar l-Iskart Perikoluż wasslet għal konsegwenzi mhux maħsuba, inkluża l-proliferazzjoni ta’ intrapriżi informali ta’ industriji tar-riċiklaġġ tal-metall li jużaw prattiki perikolużi peress li nqatgħu minn sorsi leġittimi ta’ materja prima.

4.3.3.   L-industrija u r-riċerka Ewropea għandha titħeġġeġ biex tiżviluppa sostituti għall-materja prima kritika. Għal dan il-għan, il-lista identifikata ta’ metalli essenzjali/materja prima għandha tkun soġġetta għal riċerka dettaljata mibdija mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-FP–7, biex tipprovdi sfond għat-teknoloġiji ġodda ekoloġiċi u l-prodotti li jħarsu l-ambjent.

4.3.4.   Il-proċess ta’ riċiklaġġ m’għandux jiġi trattat biss bħala xogħol amministrattiv, iżda bħala qafas regolatorju megħjun minn metodu simili għal negozju fuq bażi kummerċjali. Biex dan il-prinċipju jiġi implimentat għandu jkun hemm:

qafas legali għall-ġbir, is-separazzjoni, il-ġestjoni u r-riċiklaġġ ta’ skart industrijali u domestiku;

inċentivi għall-konsumaturi biex jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ riċiklaġġ;

netwerks nazzjonali u internazzjonali speċjalizzati għall-ġbir, l-ippreservar u r-riċiklaġġ industrijali;

ġestjoni tal-iskart stabbilita sew fuq bażi kummerċjali, organizzata mill-amministrazzjoni lokali/l-awtoritajiet reġjonali.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għal rakkomandazzjonijiet iktar dettaljati tal-KESE, ara l-opinjoni dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa, adottata fid-9 ta’ Lulju 2008 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – 2009/C27/19. Ir-rakkomandazzjonijiet attwali għandhom jitqiesu bħala kumplementari għal dawk ippreżentati f’din l-opinjoni preċedenti tal-KESE.

(2)  Opinjoni dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa ĠU C 27, 3.2.2009.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa ĠU C 27, 3.2.2009, punt 2.5.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 27, 3.2.2009 p. 82.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea”

COM(2009) 104 finali

(2009/C 277/20)

Rapporteur ġenerali: is-Sur ZÖHRER

Nhar il-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea

COM(2009) 104 finali.

Nhar it-23 ta’ Marzu 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-korapporteur kien is-Sur Glahe.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), li jaħtar lis-Sur Zöhrer bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Sfond u kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

L-industrija awtomobilistika nltaqtet aktar malajr u b’mod aktar qawwi mill-maġġoranza tas-setturi industrijali l-oħra. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar xhur il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu bosta inizjattivi sabiex jgħinu lill-industrija f’din is-sitwazzjoni tant diffiċli. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ industrija awtomobilistika dinamika u kompetittiva. Minbarra t-tnaqqis fid-domanda għall-vetturi kummerċjali u tal-passiġġieri u l-problemi relatati mal-aċċess għall-finanzjament, il-Kummissjoni tindirizza wkoll il-problemi strutturali fit-tul li nħolqu qabel ma bdiet il-kriżi.

1.1.1.   Bis-saħħa tal-grupp ta’ livell għoli CARS 21, il-forum dwar ir-ristrutturazzjoni li sar f’Ottubru 2007 u bosta gruppi ta’ ħidma żgħar, il-Kummissjoni ilha ħafna li bdiet tindirizza l-isfidi tas-settur awtomobilistiku. Il-Kumitat diġà ta kontribut importanti għal dan id-dibattitu permezz tal-adozzjoni tar-rapport ta’ informazzjoni dwar “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi” (CCMI/046, Opinjoni dwar is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi (CESE 1065/2007 fin riv.)), u bħalissa qed jaħdem fuq opinjoni oħra dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi (CCMI/059, Opinjoni dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi).

1.2.   Fit-tieni parti tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu jew ser jittieħdu fil-livell Komunitarju u fl-Istati Membri fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u, b’mod partikolari, għall-industrija tal-karozzi.

2.   Kummenti u konklużjonijiet

2.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Din turi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma lesti jappoġġjaw l-industrija awtomobilistika f’din is-sitwazzjoni drammatika. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas koerenti u kkoordinat sabiex, minn banda, jiġu evitati t-tendenzi protezzjonisti u, mill-banda l-oħra, jitfasslu objettivi komuni.

Fil-kriżi attwali jeħtieġ li tittieħed azzjoni malajr. Uħud mill-miżuri għandhom jiġu implimentati minnufih sabiex l-SMEs fl-industrija tal-fornituri, b’mod partikolari, ma jfallux u sabiex l-investimenti meħtieġa jkunu jistgħu jsiru mingħajr dewmien.

2.2.1.   L-ewwel u qabel kollox, għandu jiġi ggarantit l-aċċess rapidu, suffiċjenti u mmirat għar-riżorsi finanzjarji permezz tal-banek, il-Bank Ewropew tal-Investiment jew ta’ għajnuna jew garanziji (sussidjati) mill-Istati Membri.

2.2.2.   Madankollu, x’aktarx mhux ser ikun possibbli li l-insolvenzi jiġu evitati għalkollox. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza bil-għan li jiddeterminaw kemm il-kumpaniji qed jiġu appoġġjati biex ikomplu għaddejjin bl-attività tagħhom.

Però l-akbar sfida f’din il-kriżi aktarx hija li jinżammu l-impjiegi. Wieħed għandu jevita l-qgħad u jżomm in-know-how fl-industrija. Fl-Istati Membri jeżistu diversi miżuri sabiex jingħeleb it-tnaqqis fid-domanda għal perijodu ta’ żmien limitat (bħat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol). Iżda dawn il-possibbiltajiet ma jeżistux fl-Istati Membri kollha u għalhekk qed jintilfu bosta impjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iħeġġeġ li tissaħħaħ il-possibbiltà li l-ħaddiema jinżammu fix-xogħol permezz ta’ skambju tal-aħjar prattiki u permezz ta’ appoġġ immirat. Il-perijodi b’inqas xogħol mis-soltu għandhom jintużaw għat-taħriġ avvanzat tal-ħaddiema.

2.3.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi li saru fil-kuntest tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati miżuri li jiggarantixxu l-postijiet tax-xogħol. Jappoġġja l-proposta li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jiġi adattat fid-dawl tal-kriżi. Billi hemm il-possibbiltà li l-fondi allokati – EUR 500 miljun – ma jservux, il-Kumitat jirrakkomanda li dawn jiżdiedu għal biljun euro (ara l-opinjoni CCMI/063).

2.3.2.   Il-kriżi u t-telf tal-impjiegi marbut magħha laqtu l-aktar lill-ħaddiema kuntrattwali u lill-ħaddiema temporanji. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ li jittieħdu miżuri speċjali għal dawn il-ħaddiema u li l-qafas legali jiġi adattat għas-sitwazzjoni tagħhom minnufih.

2.4.   Jinħtieġu inċentivi li jżidu d-domanda. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent li l-inizjattivi finanzjarji u fiskali (bħas-sussidju għat-tneħħija tal-karozzi) jappoġġjaw u jħaffu l-bidla teknoloġika tas-settur (l-effiċjenzja fl-użu tal-enerġija tal-makkinarju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet). Barra minn dan, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-imsieħba soċjali biex joħolqu qafas makroekonomiku ġenerali li jiggarantixxi d-dħul finanzjarju, sabiex b’hekk tiżdied id-domanda interna.

B’rabta mal-problemi strutturali fit-tul, il-Kumitat jirreferi għar-rapport ta’ informazzjoni dwar “Is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi tas-settur tal-karozzi” li tħejja mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali f’Novembru 2007. Dan ir-rapport jitkellem b’mod ċar dwar l-isfidi tal-industrija tal-karozzi u jbassar li jista’ jkun hemm bżonn ta’ trasformazzjoni estensiva tas-settur, u din x’aktarx ser tkun meħtieġa aktar malajr minħabba l-kriżi attwali.

2.5.1.   L-ewwel u qabel kollox, il-kriżi u l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat x’aktarx ser iwasslu biex is-suq jinbidel u jkun ibbażat fuq mudelli iżgħar, orħos u aktar ekoloġiċi. Dan ser iħalli impatt qawwi fuq il-valur miżjud tal-produtturi u l-fornituri, u ser jaffettwa lis-settur tal-karozzi għal żmien twil.

2.5.2.   Sabiex dan is-settur fl-aħħar mill-aħħar joħroġ minn din il-kriżi aktar b’saħħtu minn qabel, għandhom jissaħħu minnufih l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-innovazzjoni u tal-kwalifiki tal-ħaddiema. Din mhix biss ir-responsabbiltà tal-intrapriżi, iżda wkoll tal-Istati Membri u tal-Komunità. Għal din ir-raġuni l-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi ppreżentati mill-Kummissjoni.

2.5.3.   Wieħed irid joqgħod attent meta l-problemi strutturali jiġu assoċjati mal-kwistjoni tal-kapaċità eċċessiva biss. Fis-snin li għaddew, il-kapaċitajiet naqsu sew fl-Ewropa (l-aktar fi Spanja, il-Portugall u r-Renju Unit). B’rabta ma’ dan jeżistu diversi filosofiji u differenzi kbar bejn il-produtturi individwali. Parti mill-kapaċità żejda hija marbuta mas-sistema (pereżempju t-tibdil tal-mudell u l-kompetizzjoni interna). Madankollu, jeżisti r-riskju li minħabba l-kriżi titnaqqas il-kapaċità b’mod sostanzjali, u dan imbagħad, meta d-domanda terġa’ tikber, iwassal għal nuqqas ta’ kapaċità u b’hekk tiżdied l-importazzjoni. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-grupp ta’ livell għoli CARS 21.

2.5.4.   Il-produtturi Amerikani, b’mod partikolari, jinsabu fi kriżi strutturali serja. F’dan il-kuntest il-Kumitat jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex titħejja risposta politika effiċjenti għad-diffikultajiet ta’ GM Europe u l-fornituri tagħha billi tikkoordina l-attivitajiet tal-Istati Membri milquta. L-UE għandha tisħaq bis-sħiħ li l-Istati Uniti u General Motors iridu jagħtu lill-parti Ewropea tal-intrapriża (OPEL/Vauxhaull/Saab) il-possibbiltà li tibqa’ attiva.

2.5.5.   Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi imminenti ser jinħtieġu aktar sforzi kemm min-naħa tal-intrapriżi kif ukoll min-naħa tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali. Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu implimentati r-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fil-kuntest ta’ CARS 21 kif ukoll biex jitfassal approċċ għall-quddiem. Huwa favur it-tkomplija tal-proċess li jappoġġja politika industrijali Ewropea għal perijodu twil ta’ żmien fid-dawl tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

2.5.6.   Barra minn hekk, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-swieq downstream (bħalissa qed titħejja opinjoni dwar din il-kwistjoni u ser tiġi ppubblikata dalwaqt). Iħeġġeġ li jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli – fuq il-bażi tal-esperjenza li nkisbet minn CARS 21 – bil-għan li jindirizza l-isfidi speċifiċi tal-atturi fis-settur downstream.

2.5.7.   Is-sħubija li bdiet il-Kummissjoni għall-antiċipazzjoni tal-bidla fl-industrija awtomobilistika hija pass importanti, speċjalment biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturazzjoni. Fid-dawl ta’ din l-evoluzzjoni drammatika, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali involuti u lill-Kummissjoni jiftħu djalogu soċjali ġenwin u effiċjenti.

2.6.   Is-suċċess tal-industrija awtomobilistika Ewropea jiddependi minn aċċess ħieles għas-swieq dinjija u minn kompetizzjoni ġusta. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa d-djalogu mal-imsieħba kummerċjali. Wieħed għandu jsegwi b’mod partikolari l-iżviluppi fl-Istati Uniti u fl-Ażja sabiex jiġu ggarantiti l-istess kundizzjonijiet, jiġu evitati l-miżuri protezzjonisti u diskriminatorji, u tiġi mħarsa b’mod effettiv il-proprjetà intellettwali. Bħalissa l-Kumitat qed jenfasizza li, b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kummerċ ħieles mal-Korea t’Isfel, wieħed jista’ jitlob il-ħolqien ta’ qafas bilanċjat għall-industrija awtomobilistika Ewropea. Il-qagħda attwali tan-negozjati ma tirriflettix l-għan li jitneħħew l-ostakli li ma jikkonsistux minn tariffi għall-kummerċ tal-produtturi Ewropej.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”

COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS)

(2009/C 277/21)

Relatur uniku: is-Sur JANSON

Nhar it-3 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

COM(2008) 869 finali – 2008/0252 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2009. Ir-relatur kien is-Sur Thomas Janson.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’193 vot favur, 7 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1.   B’konformità mal-Artikolu 128(2) tat-Trattat, il-validità tal-linji gwida attwali għas-sena 2009 għandha tiġi kkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-KESE.

1.2.   Il-KESE jappoġġja l-proposta li l-validità tal-linji gwida għall-politika tal-impjiegi għall-perijodu 2008-2010 għandha tiġi kkonfermata għall-2009, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-kummenti li ġejjin.

1.3.   Il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għandhom ikunu aktar ambizzjużi f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika tal-impjiegi u d-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema.

1.4.   L-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol għandha tiġi enfasizzata aktar u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għandha tibqa’ tingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

1.5.   It-tranżizzjoni lejn ekonomija msejsa fuq l-għarfien għandha tkun aktar rigoruża u għandhom isiru aktar sforzi mmirati fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Huwa importanti li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jsiru b’mod aktar konsistenti.

1.6.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-linji gwida għall-impjiegi ma jqisux biżżejjed l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-ħtieġa li l-ħaddiema jsibu kompromess xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

1.7.   Il-kriżi ekonomika qed iġġib magħha żieda fil-qgħad u tnaqqis fir-rati tal-impjiegi, u qed ixxekkel lill-UE milli tikseb l-għanijiet tagħha stipulati fil-linji gwida għall-impjiegi.

1.8.   Huwa importanti li l-Istati Membti jagħtu preċedenza lil dawk il-linji gwida li huma essenzjali għall-impjiegi u t-tkabbir, jiġfieri (1) li jiġu implimentati politiki tal-impjiegi bil-għan li jinħoloq xogħol għal kulħadd, jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u jissaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali; (2) li jiġi żgurat suq tax-xogħol inklużiv, jinħolqu impjiegi li jkunu aktar attraenti u jiġi żgurat li dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol, fosthom il-persuni żvantaġġati u dawk inattivi, ikollhom impjieg li jrendi; u (3) li jiżdied u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman (1).

1.9.   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem f’kull fażi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji gwida.

2.   Il-punti ewlenin tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1.   Il-linji gwida jsarrfu f’impenji nazzjonali stabbiliti fil-livell tal-UE u jistabbilixxu wkoll għanijiet globali għall-Istati Membri li għandhom jiġu implimentati permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-linji gwida integrati jiskadu fi tmiem l-ewwel ċiklu ta’ tliet snin, u għalhekk għandhom jiġġeddu għaċ-ċiklu li jmiss.

2.2.   Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri ħabirku ħafna fl-implimentazzjoni tal-istrutturi ta’ riforma tul l-ewwel ċiklu ta’ tliet snin (2005–2008). Ir-riformi li saru fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona kkontribwixxew għat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji nazzjonali Ewropej. Barra minn hekk, b’dawn ir-riformi l-ekonomija Ewropea saret aktar reżistenti għax-xokkijiet esterni, pereżempju ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-materja prima kif ukoll il-fluttwazzjonijiet tar-rati tal-iskambju.

2.3.   Skont il-Kummissjoni, il-gvernanza l-ġdida tal-Istrateġija ta’ Lisbona, li tagħmel enfasi fuq is-sħubija bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri, uriet kemm hija tabilħaqq siewja. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni l-linji gwida integrati qed jaqdu r-rwol tagħhom u ma jeħtiġux reviżjoni.

3.   Kummenti preċedenti tal-KESE

3.1.   Il-KESE analizza l-linji gwida u n-nuqqasijiet tagħhom f’opinjoni li ħejja s-sena li għaddiet (2). Din l-analiżi tal-KESE għadha valida.

3.2.   Fil-fehma tal-Kumitat, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma mhumiex ambizzjużi biżżejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika tal-impjiegi u d-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema. Dan ġej mill-fatt li l-linji gwida attwali jenfasizzaw li l-Istati Membri stess għandhom jistabbilixxu l-għanijiet tagħhom, u għaldaqstant wieħed jibża’ li l-miżuri marbuta mal-politika tal-impjiegi m’għadhomx jistgħu jiġu evalwati bil-għajnuna ta’ għanijiet speċifiċi li jistgħu jiġu kkwantifikati.

3.3.   Hemm bżonn li jkun hemm aktar enfasi fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tibqa’ tingħata l-attenzjoni mistħoqqa.

3.4.   Biex l-UE ssir ekonomija msejsa fuq l-għarfien, it-tranżizzjoni lejn dan it-tip ta’ ekonomija għandha tkun aktar rigoruża u għandhom isiru aktar sforzi mmirati fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja bil-għan li l-persuni jadattaw ruħhom għal tekniki ġodda u għar-ristrutturazzjoni tal-bażi industrijali u biex ikollhom il-possibbiltà jakkwistaw kompetenzi trasferibbli. Mod tajjeb biex jinkiseb dan huwa li l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jsiru b’mod aktar konsistenti sabiex tissaħħaħ l-ekonomija u jinħolqu impjiegi ġodda (3).

3.5.   Il-linja gwida għall-impjiegi ma jqisux biżżejjed l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-ħtieġa li l-ħaddiema jsibu kompromess xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Dan huwa importanti biex inkunu nistgħu nilqgħu għat-tibdil demografiku u għall-fatt li forza tax-xogħol qed tixjieħ.

3.6.   Il-Kumitat jisħaq ukoll fuq l-importanza li jkun hemm il-fondi xierqa fil-livell nazzjonali u Ewropew sabiex jiġu implimentati l-miżuri dwar il-politika tal-impjiegi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Fil-perijodu ta’ żmien medju u twil, il-kriżi ekonomika ser iġġib magħha żieda fil-qgħad u tnaqqis fir-rati tal-impjiegi, u ser ixekkel lill-UE milli tikseb l-għanijiet tagħha marbuta mal-aġenda ta’ Lisbona.

4.2.   Minkejja li qabel il-kriżi kien sar ċertu progress, għad hemm problema kbira minħabba d-differenzi li jeżistu fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom fir-rigward ta’ kemm irnexxielhom jiksbu l-għanijiet u jimplimentaw id-diversi miżuri. Din is-sitwazzjoni aggravat minħabba l-kriżi ekonomika.

4.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li biex l-Istati Membri jevitaw repetizzjoni tar-reċessjoni qawwija tat-tletinijiet, huwa importanti li jagħtu preċedenza lil dawk il-linji gwida li huma importanti għall-impjiegi u t-tkabbir. Il-kriżi ser tolqot l-aktar lil dawk il-pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom ma ħadux passi biex jappoġġjaw l-impjiegi iżda komplew iħaddnu l-istess politika li tintuża f’perijodi ekonomiċi normali.

4.4.   Il-linji gwida attwali jindirizzaw dawn l-għanijiet: (1) li jiġu implimentati politiki tal-impjiegi bil-għan li jinħoloq xogħol għal kulħadd, li jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, u jissaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali; (2) li jiġi żgurat suq tax-xogħol inklużiv, jinħolqu impjiegi li jkunu aktar attraenti u jiġi żgurat li dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol, fosthom il-persuni żvantaġġati u dawk inattivi, ikollhom impjieg li jrendi; u (3) li jiżdied u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman (4).

4.5.   F’dan il-kuntest huwa importanti immens li l-Kummissjoni u l-partijiet l-oħra jissemplifikaw ir-regoli għall-użu tal-Fondi Strutturali, il-Fond Soċjali u l-Fond ta’ Globalizzazzjoni biex tiġi ffinanzjata l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjiegi. Il-KESE jkompli jenfasizza l-importanza li fil-livell Ewropew u nazzjonali jkun hemm il-fondi neċessarji sabiex l-inizjattivi dwar l-impjiegi jingħataw preċedenza.

4.6.   Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni taqdi rwol aktar importanti fit-tfassil tal-objettivi Ewropej u nazzjonali, u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress biex b’hekk jissaħħaħ u jiżdied il-valur tar-Rapporti Annwali li jinħarġu fil-qafas tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma f’kull Stat Membru.

4.7.   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jieħdu sehem f’kull fażi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji gwida.

Brussell, 13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Linji gwida integrati nru 17, 19 u 23 (COM(2007) 803 finali/3, Parti V).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottata fit-13 ta’ Frar 2008 dwar “il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-Politika tal-Impjiegi tal-Istati Membri (skont l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE)” (ĠU C 162, 25.6.2008), relatur: is-Sur Wolfgang Greif.

(3)  Il-KESE diġà indirizza din il-kwistjoni fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. Ara pereżempju:

L-opinjoni “Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (Strateġija ta’ Lisbona)”, relatur: is-Sur Wolf (ĠU C 256, 27.10.2007), adottata mill-Kumitat fit-12.7.2007;

L-opinjoni “Il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs – prerekwiżit importanti għall-innovazzjoni”, relatur: is-Sur Wolf, (ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8), adottata mill-Kumitat fis-26.02.2009.

(4)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/85/KE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu”

COM(2008) 637 finali – 2008/0193 (COD))

(2009/C 277/22)

Rapporteur: is-Sinjura HERCZOG

Nhar l-7 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu

COM(2008) 637 finali – 2008/0193 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Herczog.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’82 vot favur, 37 vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva ġdida li ttejjeb il-ħarsien tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement u/jew qed ireddgħu.

1.2.   Il-Kumitat iqis din l-inizjattiva bħala opportunità biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni mhux biss li tippermetti lin-nisa jirkupraw b’mod xieraq wara li welldu, iżda li barra minn hekk tinkoraġihom ireddgħu u tgħinhom isawru rabta qawwija mat-tarbija tagħhom.

1.3.   Il-Kumitat ma jqisx aċċettabbli kondizzjonijiet ta’ xogħol mhux sikuri matul it-tqala u t-treddigħ. F’dan is-sens, in-nisa għandhom jitħeġġu javżaw dwar it-tqala tagħhom malli jsiru jafu sabiex kull riskju fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza jista’ jiġi evalwat u eliminat. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lir-riskji għall-fertilità kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, kif ukoll għall-embriju.

1.4.   Il-Kumitat jitlob ukoll għal appoġġ addizzjonali għall-ġenituri u t-tfal bi bżonnijiet speċjali jew li jsibu ruħhom f’ċirkostanzi speċjali, bħal trabi prematuri, b’diżabilità jew morda, każijiet ta’ twelid multiplu jew bżonn ta’ kura fl-isptar, kif ukoll każijiet ta’ adozzjoni jew fostering, eċċ.

1.5.   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jiġi ggarantit minimu ta’ 18-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità mħallas għall-ħaddiema tqal kollha. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma Soċjali (1) – li tinkludi l-Lobby Ewropew tan-Nisa – kif ukoll tal-WHO (2) u tal-UNICEF (3) li huma bbażati fuq il-benefiċċju għat-trabi li jixorbu l-ħalib tal-omm matul l-ewwewl sit xhur ta’ ħajjithom, bħala miżura preventiva tas-saħħa kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija. Għaldaqstant jirrakkomanda li jinstabu soluzzjonijiet legali u prattiċi addizzjonali li jistgħu jiffaċilitaw it-treddigħ fir-rigward ta’ spazju u ħin.

1.6.   Min-naħa l-oħra, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-leave għall-mard matul it-tqala m’għandu jkollu l-ebda impatt fuq il-perijodu sħiħ tal-leave tal-maternità, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreċiża għal liema perijodu eżatt qabel il-ħlas qed tirriferi.

1.7.   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon is-suġġeriment li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-ħaddiema nisa tqal jew li qed ireddgħu, fil-kuntest tal-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva oriġinali, mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li ma tkunx ġustifikata legalment.

1.8.   Il-Kumitat jaqbel li n-nisa għandhom id-dritt li jirritornaw għax-xogħol, għall-istess impjieg jew għal post ekwivalenti bl-istess termini u kondizzjonijiet, u li għandhom jibbenefikaw minn kull titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li jkunu intitolati għalihom matul il-perijodu tal-assenza tagħhom.

1.9.   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa li l-paga matul il-leave tal-maternità tkun l-istess bħas-salarju preċedenti. Din id-dispożizzjoni mhijiex biss neċessità, iżda wkoll mod kif jiġi rikonoxxut il-valur tar-rwol tal-omm.

1.10.   B’konformità mal-prinċipji komuni tal-flessigurtà u l-approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, il-Kumitat jemmen li l-proposta għandha titqies fil-kuntest tad-diffikultajiet relatati mal-bżonnijiet tal-kura tat-tfal taħt is-sentejn (5). L-użu ta’ ħinijiet ta’ xogħol flessibbli għall-ġenituri nnegozjati mill-imsieħba kollha wera li għandu valur f’dan il-kuntest.

1.11.   Għandha ssir distinzjoni bejn il-leave tal-maternità bħala mezz kif titħares it-tqala u l-maternità u l-leave tal-ġenituri. Il-perijodu propost ta’ 18-il ġimgħa għandu l-għan ewlieni li jippermetti l-irkurpu tan-nisa wara li jwelldu u li jiżgura perijodu ta’ żmien minimu għat-treddigħ u l-ħolqien ta’ rabta bejn l-omm u t-tarbija. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-leave tal-ġenituri bħala opportunità għaż-żewġ ġenituri biex iqattgħu żmien xieraq mat-tfal, iżda jemmen li l-leave tal-ġenituri għandu jkompli wara l-leave tal-maternità u jippermetti lill-missirijiet jibbenefikaw minn din il-possibbiltà wkoll.

1.12.   Il-Kumitat jieħu din l-opportunità biex jissuġġerixxi li jinħolqu inizjattivi sabiex in-nanniet u qraba stretti oħrajn ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal jekk il-ġenituri li jaħdmu jkunu jixtiequ u sakemm dan ikun fl-interess tat-tifel jew tifla. Miżura bħal din għandha tgħin biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjali u privata. Din il-kura temporanja addizzjonali provduta mill-membri tal-familja ma tissostitwix ir-responsabbiltà tal-Istat biex jipprovdi kura adegwata f’termini ta’ kwantità u kwalità.

1.13.   Il-Kumitat jagħraf l-importanza ta’ approċċ olistiku u komprensiv għal dawn il-kwistjonijiet, sabiex titqies l-stampa kollha u jintlaħaq progress ekonomiku u soċjali. F’dan il-kuntest, dawk li jfasslu l-politika għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet differenti, il-valuri li jikkompetu ma’ xulxin u l-kunflitti ta’ interess f’dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

il-kwistjonijiet demografiċi (inkluż rata tat-twelid baxxa u numru li qed jikber b’mod rapidu ta’ pensjonanti);

il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja;

opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa;

ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata;

il-kura tat-tfal aċċessibbli, li ma tqumx wisq flus u ta’ kwalità għolja;

iċ-ċittadinanza attiva;

is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

u dak li huwa fl-aħjar interess għat-tifel jew tifla (6).

Għaldaqstant il-Kumitat iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw in-neċessità li jittieħed approċċ integrat għal din il-proposta leġiżlattiva, u biex tiġi evitata l-limitazzjoni tal-ambitu u l-implikazzjonijiet tagħha.

1.14.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li jekk il-proposta ser tappoġġja r-rikonċiljazzjoni, il-leave tal-maternità m’għandux jitqies b’mod iżolat mill-firxa ta’ strumenti oħrajn li jeżistu fl-oqsma msemmija hawn fuq.

1.15.   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali bħala atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol huwa kruċjali f’dan ir-rigward. Fil-fehma tal-Kumitat, is-soċjetà ċivili wkoll għandha tieħu sehem attiv fil-proċess, kemm billi tiżgura li l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw id-Direttiva u billi tappoġġja bil-mezzi kollha l-approċċ komprensiv imsemmi hawn fuq.

2.   Sfond

2.1.   Il-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 92/85/KE hija intiża għat-titjib fil-ħarsien offrut lill-ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement, u/jew li qed ireddgħu. Hemm bżonn ta’ protezzjoni għal bosta raġunijiet. It-tul tal-leave tal-maternità huwa influwenzat minn ħafna fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati meta dan jiġi regolat. Id-direttiva preċedenti tipprovdi għal minimu ta’ 14-il ġimgħa kontinwa ta’ leave tal-maternità u tistabbilixxi wkoll il-ħtiġijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol bħall-ħarsien tan-nisa tqal u dawk li welldu reċentement jew li qed ireddgħu. Mara ma tistax titkeċċa matul il-leave tal-maternità. Skont l-Artikolu 2(7) ta’ strument legali preċedenti – id-Direttiva 76/207/KEE – wara l-leave tal-maternità, mara għandha d-dritt li tirritorna għall-istess pożizzjoni jew waħda ekwivalenti. Trattament inqas favorevoli minn dan ifisser diskriminazzjoni.

Fil-Pjan ta’ Direzzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (7) ittieħed impenn biex issir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti. Id-Direttiva 92/85/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid u għaldaqstant għandha tiġi riveduta issa.

2.2.   F’Marzu 2006 il-Kunsill Ewropew saħaq fuq il-bżonn għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex jinkisbu t-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (8). Il-Parlament Ewropew f’diversi okkażjonijiet talab biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħaddiema nisa tqal u l-għoti tal-leave tal-ġenituri, u biex jittieħdu miżuri għat-titjib fil-bilanċ bejn il-ħajja professjonali, privata u dik tal-familja. Nhar il-21 ta’ Frar 2008, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa (9), il-Parlament sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jadottaw l-aħjar prattika fir-rigward tat-tul tal-leave tal-maternità u l-influwenza potenzjali tiegħu fuq ir-rata tat-twelid permezz ta’ politiki pubbliċi kkoordinati, bil-ħolqien ta’ ambjent materjali u emozzjonali li jiffavorixxi l-familja u t-tfal. Fir-riżoluzzjoni preċedenti tas-27 ta’ Settembru 2007 (10), il-Parlament kien diġà ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimmutwalizzaw l-ispejjeż tal-benefiċċji tal-maternità u tal-leave tal-ġenituri u laqa’ bi ħġaru l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. Huwa ħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa tqal fis-suq tax-xogħol u favur livell ta’ protezzjoni għoli għall-ommijiet. F’Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew tenna li għandhom isiru sforzi addizzjonali biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja privata u tal-familja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel (11).

Id-Direttiva hija l-għaxar direttiva individwali koperta mill-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Qafas 89/391/KEE dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva tinkludi estensjoni tal-bażi legali għall-Artikolu 141 tat-Trattat KE dwar it-trattament ugwali.

2.3.   Iċ-ċittadini u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li ġew ikkonsultati mill-Kummissjoni esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-fatt li meta jkollhom it-tfal, in-nisa jbatu ħafna iktar mill-irġiel fir-rigward ta’ opportunitajiet tal-impjieg. Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa bi tfal dipendenti hija biss 65 % meta mqabbla ma’ 91,7 % għall-irġiel. In-nisa jridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ supożizzjonijiet stereotipiċi dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fid-dar u d-dispożizzjoni tagħhom għall-impjieg (12). Dan jista’ jwassal biex ikun hemm inqas nisa li jirritornaw fis-suq tax-xogħol wara li jkollhom tarbija.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2006 (13), il-Kummissjoni stqarret li d-drittijiet tat-tfal huma prijorità għall-UE u li l-Istati Membri huma marbuta li jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, kif ukoll l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. F’Marzu 2006, il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri jieħdu “l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal b’mod rapidu u sinifikanti, u b’hekk it-tfal kollha jiġu mogħtija opportunitajiet indaqs, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom” (14). Fil-kuntest ta’ dan is-suġġett, dan ifisser li t-tfal kollha għandhom jingħataw l-opportunità tat-treddigħ u kura tajba skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tagħhom. Din il-kura għandha tingħata mill-persuna prinċipali li tieħu ħsiebhom, u fejn huwa xieraq, matul il-ġurnata għandu jkollhom aċċess għal kura aċċessibbli, flessibbli, ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli.

3.2.   Il-politika tal-impjieg tal-UE tippromovi approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja għal xogħolhom, biex b’hekk jirrikonoxxu li għandom bżonnijiet u prijoritajiet differenti fid-diversi stadji ta’ ħajjithom. Id-direttiva dwar il-protezzjoni matul it-tqala, il-leave tal-maternità u t-treddigħ għandha tirrifletti dan l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja.

3.3.   Il-Lobby Ewropew tan-Nisa jistqarr li d-dispożizzjonijiet tal-maternità huma relatati speċifikament man-nisa. Il-fiżikalità li twelled u l-perijodu wara t-twelid u l-proċessi tat-treddigħ għandhom jiġu rikonoxxuti u appoġġjati mill-persuni inkarigati mit-tfassil tal-politika, minn min iħaddem u mis-soċjetà kollha kemm hi (15). Kif intqal qabel f’din l-opinjoni, l-Ewropa għandha qafas legali li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi permezz ta’ firxa ta’ miżuri leġiżlattivi. Madankollu, in-nisa għandhom tendenza li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol jew li jieħdu iktar leave biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom u dan iwassal għal paga inqas u pensjonijiet iktar baxxi. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ infurzar imsaħħaħ tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza.

3.4.   In-nisa għandu jkollhom il-flessibbiltà li jagħżlu meta ser jieħdu l-leave tal-maternità tagħhom. Min-naħa l-oħra dawk li jħaddmu għandhom ikunu jistgħu jippjanaw il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani tagħhom sabiex jagħmlu tajjeb għall-assenza tagħhom. Fl-ippjanar għandu jitqies leave minimu (ta’ mill-inqas sitt ġimgħat wara l-ħlas) (16).

3.5.   Il-proposta tagħti lin-nisa li jirritornaw mil-leave tal-maternità d-dritt li jitolbu arranġament flessibbli għall-ħin tax-xogħol fejn min iħaddem irid jikkunsidra t-talba b’kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema. Il-Kumitat jaqbel ma’ din id-dispożizzjoni.

3.6.   Biex jintlaħaq dan il-għan, id-diversi objettivi tal-istrateġiji tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona u l-miri ta’ Barċellona, kif ukoll l-istrateġiji dwar il-qagħda demografika, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, l-opportunitajiet ugwali għall-irġiel u n-nisa u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja għandhom bżonn jiġu ċċarati u armonizzati iktar.

3.7.   Hi u tipprova żżid l-għadd ta’ nisa jaħdmu (17), l-UE għandha tippromovi l-opportunitajiet għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik privata sabiex id-diversi bżonnijiet, il-valuri jikkompetu u l-kunflitti tal-interess jiġu ttrattati u monitorjati b’mod trasparenti.

3.8.   Numru kbir ta’ Stati Membri żviluppaw sensiliet ta’ miżuri biex jippromovu rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali, privata u dik tal-familja, li jirriflettu l-bżonnijiet differenti skont is-suq tax-xogħol ta’ kull pajjiż kif ukoll id-diversità ta’ tradizzjonijiet u kulturi li jeżistu fl-Ewropa. Jekk din il-proposta ser tappoġġja r-rikonċiljazzjoni, il-leave tal-maternità m’għandux jitqies b’mod iżolat mill-firxa ta’ strumenti oħrajn li jeżistu f’dan il-qasam. Dawn jinkludu l-kura tat-tfal, l-arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, il-leave tal-ġenituri u tipi oħrajn ta’ leave li f’ħafna każijiet huma iktar rilevanti fil-kuntest ta’ rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-bażi legali prinċipali għal din il-proposta hija s-saħħa u s-sigurtà tan-nisa tqal u li qed ireddgħu. Madankollu, teżisti rabta loġika bejn il-kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u (i) id-dritt tat-tfal għal kura adegwata, (ii) ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u tax-xogħol, u (iii) l-opportunitajiet tal-impjieg u l-karriera. Barra minn hekk, il-qagħda demografika tal-Ewropa teħtieġ politika li tħeġġeġ u tappoġġja rati ogħla tat-twelid. Il-kwistjonijiet li ġew indirizzati f’din il-proposta għal Direttiva ma jeżistux maqtugħin mill-bqija. Iridu jitqiesu bħala kwistjoni kumplessa kif jintwera fir-rakkomandazzjonijiet.

4.2.   Għandha tingħata attenzjoni speċjali għar-riskji għall-fertilità kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom jitħarsu mill-fatturi involuti fit-tibdil ġenetiku li jista’ jwassal għall-infertilità u, agħar minn hekk, li jista’ jikkawża formazzjoni difettuża fl-embriju.

4.3.   Il-leave tal-maternità bħala mezz ta’ ħarsien għat-tqala u l-maternità għandu jkun distint b’mod ċar mil-leave tal-ġenituri. Il-perijodu propost ta’ 18-il ġimgħa huwa primarjament intiż biex in-nisa jkunu jistgħu jirkupraw wara li jkunu welldu u biex jiġi żgurat perijodu minimu għat-treddigħ. Waqt li jappoġġja dan l-approċċ, il-Kumitat jipproponi li jinstabu soluzzjonijiet legali u prattiċi għat-treddigħ jew għall-ġbid tal-ħalib mis-sider tal-omm fuq il-post tax-xogħol sabiex l-ommijiet jingħataw ħin biżżejjed għat-treddigħ esklużiv, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO u l-UNICEF (18) (pereżempju d-dritt li kull pawża fix-xogħol għat-treddigħ titqies bħala ħin ta’ xogħol).

4.4.   F’każijiet speċjali – ħlas qabel il-waqt, tfal tat-twelid b’diżabbiltà, tfal morda, twelid multiplu jew tfal li jeħtieġu kura fl-isptar il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jkunu kapaċi jipprovdu leave imħallas għal perijodu itwal b’kunsiderazzjoni għall-kura speċjali. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-lista ta’ każijiet m’għandhiex tkun eżawrjenti iżda għandha tagħti lil kull Stat Membru l-opportunità li jqis każijiet oħra bħaċ-ċesarji jew kumplikazzjonijiet wara l-ħlas. F’każijiet ta’ adozzjoni u fostering ta’ trabi tat-twelid, il-leave tal-ġenituri għandu jkun iggarantit ukoll.

4.5.   B’konformità mal-Konvenzjoni 183 tal-ILO (19), il-Kumitat jaċċetta l-proposta li jittieħdu mill-inqas sitt ġimgħat leave wara l-ħlas, iżda jixtieq jenfasizza li dan għandhu jkun l-ammont minimu. Dan il-perijodu minimu huwa essenzjali sabiex nisa jirkurpraw b’mod xieraq wara l-ħlas, u biex jitħeġġeġ it-treddigħ u tinħoloq rabta qawwija bejn l-omm u t-tarbija.

4.6.   Fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (20), il-Kummissjoni għandha twettaq studju parallel li jikkunsidra l-impatt tal-miżuri proposti fuq it-tfal. It-tfal għandhom jitrabbew sew u għandu jitqies il-benesseri tagħhom. Il-benesseri tat-tfal u l-valur tat-tfulija matul dan l-istadju tal-ħajja tassew importanti hija deċiżiva fiha nnifisha iżda fl-istess ħin it-tfal tal-lum jikkostitwixxu l-forza tax-xogħol tal-ġejjieni u nuqqas ta’ kura u appoġġ f’dan l-istadju bikri tal-ħajja jista’ jwassal għal fallimenti fl-iskola u iktar tard fl-integrazzjoni fis-soċjetà.

4.7.   Il-Kumitat jaqbel mad-dispożizzjoni l-ġdida, skont liema l-leave għall-mard matul it-tqala minħabba mard jew komplikazzjonijiet matul it-tqala m’għandu jkollu l-ebda impatt fuq it-tul tal-leave tal-maternità, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreċiża għal liema perijodu qabel il-ħlas qed tirreferi. Id-dispożizzjoni fid-Direttiva li tkopri din il-kwistjoni m’għandhiex tkun ambigwa (21).

4.8.   Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħarsu l-ħaddiema nisa tqal jew li qed ireddgħu, fil-kuntest tal-Artikolu 2 (22) tal-proposta, mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija mhux ġustifikata legalment.

4.9.   Billi huwa konxju tal-fatt li f’xi pajjiżi hemm limitu għall-pagamenti li jitħallsu matul il-leave tal-maternità korrispondenti għall-ammont ta’ leave minħabba l-mard, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li paga inqas mis-salarju preċedenti tagħmel il-ħsara u tippenalizza lin-nisa għar-rwol bijoloġiku tagħhom bħala ommijiet u ma tqisx il-valur tal-omm. Paga mnaqqsa jkollha impatt ukoll fuq perijodu fit-tul, jiġifieri fuq id-drittijiet tal-pensjonijiet tagħhom.

4.10.   Il-ħarsien tal-impjieg huwa opportunità biex niggarantixxu rata ta’ twelid dejjem ogħla, tul adegwat tal-leave u parteċipazzjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol. B’rabta ma’ dan, hemm bżonn ukoll ta’ ħinijiet tax-xogħol u arranġamenti iktar flessibbli. Skont il-memorandum ta’ spejgazzjoni tad-Direttiva: “(…) huwa possibbli li l-kurvi tar-rata tat-twelid jiġu influwenzati favorevolment permezz ta’ politiki pubbliċi kkoordinati, bil-ħolqien ta’ ambjent materjali u emozzjonali li jiffavorixxi l-familja u t-tfal (23).

4.11.   Għandu jitqies iktar ir-rwol tan-nanniet u qraba oħra bħala persuni li jieħdu ħsieb it-tfal li jappoġġjaw lill-ġenituri li jaħdmu. Ir-rwol ta’ membri oħrajn tal-familja jista’ jgħin biex jinżammu l-istrutturi tal-familja, il-parteċipazzjoni tal-anzjani u sabiex titnaqqas it-tensjoni għall-ġenituri li jaħdmu, kif ukoll jagħmel kontribut biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali. Inizjattivi u programmi pożittivi għat-trobbija tat-tfal, appoġġjati mill-Istati Membri kollha tal-UE, bħall-ħafna programmi nazzjonali disponibbli (24), għandhom jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward. Din il-kura temporanja addizzjonali provduta mill-membri tal-familja ma tissostitwix ir-responsabbiltà tal-Istat biex jipprovdi kura adegwata f’termini ta’ kwantità u kwalità.

4.12.   Il-provvista tal-kura tat-tfal hija forma ta’ opportunità ta’ impjieg għan-nisa, iżda l-kwalità u l-istandards f’dan il-qasam għandhom jiġu garantiti. L-għanijiet ta’ Barċellona jimmiraw li sal-2010 mill-inqas 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin u 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja jkollhom kura matul il-ġurnata iżda m’hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali għad-diversi forom ta’ kura tat-tfal. Barra minn hekk, anke jekk 33 % jistgħu jitħallew f’ċentri għall-kura matul il-ġurnata, x’jiġri miż-żewġ terzi l-oħra?

4.13.   Fir-rigward tal-kwalità tal-kura tat-tfal, ftit informazzjoni hija disponibbli dwar servizzi tal-kura tat-tfal informali li jiġu pprovduti fid-dar minn nannies, babysitters u “au-pairs”; ħafna minnhom ma jkunux kwalifikati, ma jkunux reġistrati b’mod formali u jibqgħu barra mis-sistemi rikonoxxuti ta’ monitoraġġ. Dawn il-ħaddiema ma jidħlux fl-istrutturi formali tal-impjieg u għalhekk ma jkollhomx il-protezzjoni xierqa tagħhom fil-post tax-xogħol. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw kura ta’ kwalità fil-forom kollha tagħha. L-imsieħba soċjali għandhom jitolbu għal regolamenti u trasparenza mhux biss fil-qasam tal-kura tat-tfal professjonali iżda wkoll fil-forom kollha ta’ kura li tingħata fid-djar u tat-tip informali billi jappoġġjaw u jirrikjedu taħriġ professjonali u superviżjoni. Inċentivi fiskali jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ iktar faċilitajiet tal-kura ta’ kwalità għolja. Fil-kuntest tan-numru sinifikattiv ta’ nisa attivi fis-settur tal-kura, it-titjib fil-kondizzjonijiet u l-kwalifiki f’dan is-settur jikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija ġenerali tal-UE f’dan il-qasam.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Pożizzjoni komuni tal-grupp ta’ Tmexxija tal-Pjattaforma Soċjali dwar l-emendi tad-direttiva li temenda d-Direttiva 92/85/KEE dwar il-leave tal-maternità, 19 ta’ Frar 2009

(2)  Bħala rakkomandazzjoni dinjija għall-pubbliku, it-trabi għandhom jitreddew b’mod esklussiv għall-ewwel sitt xhur sabiex jilħqu l-aħhar livell ta’ tkabbir, żvilupp u saħħa. (Strateġija Dinjija dwar l-Ikel għat-Trabi u t-Tfal iż-Żgħar – A55/15, paragrafu 10), li tinsab: http://www.who.int/nutrition/topics/infantfeeding_recommendation/en/index.html. Ara wkoll Michael S. Kramer, Ritsuko Kakuma: The optimal duration of exclusive breastfeeding - A systematic review, World Health Organisation, 2002, li jinsab: http://www.who.int/nutrition/topics/optimal_duration_of_exc_bfeeding_review_eng.pdf.

(3)  Ara: http://www.unicef.org

(4)  Ara: Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, Artikolu 2, “Tifsiriet”: Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b)

ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skont dik il-liġi u/jew prattika;

(c)

ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skont dik il-liġi u/jew prattika.

(5)  Ara: Lamb, M.E. Ahnert, L (2006): Nonparental child care: Context, concepts, correlates and consequences, fil-ktieb ta’ W. Damon, R.M. lerner, K.A. Renninger, T.E. Sigel (eds): Handbook of Child Psychology (Vol.4) Child Psychology in Practice, pp. 950-1016, Hoboken, N.J. u Chichester, Willey.

(6)  Fil-kuntest tal-istrateġija tal-Kummissjoni “Lejn Strateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal”, imnedija fl-4.7.2006 (ara: http://europa.eu/scadplus/leg/en/lvb/r12555.htm).

(7)  Pjan ta’ rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (COM(2006) 92 finali).

(8)  Ara Anness II tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell of tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 li jinsabu: http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/89013.pdf.

(9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Frar 2008 dwar il-futur demokratiku tal-Ewropa (2007/2156 (INI) (A6-0024/2008), li tinsab: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A6-2008-0024+0+DOC+XML+V0//MT.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Settembru 2007 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea - 2007 (2007/2065(INI) (P6_TA(2007)0423) in:

http://www.europarl.europa.eu/oeil/FindByProcnum.do?lang=2&procnum=INI/2007/2065.

(11)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 li jinsabu: http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/99410.pdf.

(12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Citizen's Summary – Better maternity leave provisions designed to promote reconciliation of family and working life (ec.europa.eu/social/BlobServlet? docId = 611 & langId = en) Pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-Pjattaforma Soċjali, Jannar 2009.

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2006) 367 finali.

(14)  Ara paragrafu 72 tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Marzu 2006 (ara n-nota nru 6 hawn fuq).

(15)  Proposti mil-Lobby Ewropew tan-Nisa dwar il-proposta mill-Kummissjoni dwar id-direttiva li temenda d-Direttiva 92/85/KE Jannar 2009, p. 2

(16)  Ara punt 4.5 fit-taqsima “Kumment speċifiċi”

(17)  L-iktar permezz tal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjieg imsemmija hawn fuq.

(18)  Ara n-noti nru 2 u 3.

(19)  Ara: http://www.ilo.org/ilolex/cgi-lex/convde.pl? C183.

(20)  Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 44/25 tal-20 ta’ Novembru 1989 u daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, b’konformità mal-artikolu 49. Tinsab fis-sit: http://www2.ohchr.org/english/law/crc.htm

(21)  L-Artikolu 8, pt. 5 ġdid jirriferi għal “erba’ ġimgħat jew iżjed” (COM(2008) 637 finali, p. 15).

(22)  Ara n-nota nru 4.

(23)  COM(2008) 637 finali, p. 1.

(24)  Ara: http://www.coe.int/t/dg3/youthfamily/enfance/parenting_en.asp


APPENDIĊI I

għall-Opinjoni

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li ġabru mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattiti: (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.5

Biddel kif ġej:

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li għandu jiġi ggarantit minimu ta’ 18-il ġimgħa ta’ leave tal-maternità mħallas għall-ħaddiema tqal kollha. Madankollu, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Pjattaforma Soċjali – li tinkludi l-Lobby Ewropew tan-Nisa – kif ukoll tal-WHO u tal-UNICEF li huma bbażati fuq il-benefiċċju għat-trabi li jixorbu l-ħalib tal-omm matul l-ewwel sit xhur ta’ ħajjithom, bħala miżura preventiva tas-saħħa kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija. Għaldaqstant jirrakkomanda li jinstabu soluzzjonijiet legali u prattiċi addizzjonali li jistgħu jiffaċilitaw it-treddigħ fir-rigward ta’ spazju u ħin. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-leave tal-maternità minimu mħallas, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tibbaża l-proposta tagħha li dan il-leave ikun itwal minn 14-il ġimgħa, fuq statistika konkreta. M’hemm l-ebda evidenza konkreta bbażata fuq raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà li d-dispożizzjoni attwali ta’ erbatax-il ġimgħa leave tal-maternità mhijiex biżżejjed.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 40

Kontra: 83

Astensjonijiet: 5

Punt 1.9

Biddel kif ġej:

“Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa li l-paga matul il-leave tal-maternità tkun l-istess bħas-salarju preċedenti. Din id-dispożizzjoni mhijiex biss neċessità, iżda wkoll mod kif jiġi rikonoxxut il-valur tar-rwol tal-omm. Il-Kumitat, waqt li jieħu nota li l-paga matul il-leave tal-maternità għandha tkun l-istess bħas-salarju preċedenti, jitlob lill-KE biex tqis l-ispejjeż żejda sinifikanti mhux biss għall-Istati Membri iżda wkoll għall-kumpaniji, b’mod partikulari l-SMEs, li s-sopravivenza tagħhom fil-klima ekonomika attwali hija kruċjali.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 39

Kontra: 79

Astensjonijiet: 3

Punt 1.11

Biddel kif ġej:

“Għandha ssir distinzjoni bejn il-leave tal-maternità bħala mezz kif titħares it-tqala u l-maternità u l-leave tal-ġenituri. Il-perijodu propost għal-leave tal-maternità ta’ 18-il ġimgħa għandu l-għan ewlieni li jippermetti l-irkurpu tan-nisa wara li jwelldu u li jiżgura perijodu ta’ żmien minimu għat-treddigħ u l-ħolqien ta’ rabta bejn l-omm u t-tarbija. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-leave tal-ġenituri bħala opportunità għaż-żewġ ġenituri biex iqattgħu żmien xieraq mat-tfal, iżda jemmen li l-leave tal-ġenituri għandu jkompli wara l-leave tal-maternità u jippermetti lill-missirijiet jibbenefikaw minn din il-possibbiltà wkoll.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 41

Kontra: 79

Astensjonijiet: 3

Punt 4.3

Biddel kif ġej:

“Il-leave tal-maternità bħala mezz ta’ ħarsien għat-tqala u l-maternità għandu jkun distint b’mod ċar mil-leave tal-ġenituri. Il-perijodu tal-leave tal-maternità propost ta’ 18-il ġimgħa huwa primarjament intiż biex in-nisa jkunu jistgħu jirkupraw wara li jkunu welldu u biex jiġi żgurat perijodu minimu għat-treddigħ. Waqt li jappoġġja dan l-approċċ, il-Kumitat jipproponi li jinstabu soluzzjonijiet legali u prattiċi għat-treddigħ jew għall-ġbid tal-ħalib mis-sider tal-omm fuq il-post tax-xogħol sabiex l-ommijiet jingħataw ħin biżżejjed għat-treddigħ esklużiv, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-WHO u l-UNICEF (pereżempju d-dritt li kull pawża fix-xogħol għat-treddigħ titqies bħala ħin ta’ xogħol).”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 41

Kontra: 79

Astensjonijiet: 3

Punt 4.9

Biddel kif ġej:

“Billi huwa konxju tal-fatt li f’xi pajjiżi hemm limitu għall-pagamenti li jitħallsu matul il-leave tal-maternità korrispondenti għall-ammont ta’ leave minħabba l-mard, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li paga inqas mis-salarju preċedenti tagħmel il-ħsara u tippenalizza lin-nisa għar-rwol bijoloġiku tagħhom bħala ommijiet u ma tqisx il-valur tal-omm. Paga mnaqqsa jkollha impatt ukoll fuq perijodu fit-tul, jiġifieri fuq id-drittijiet tal-pensjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-KE għandha tqis l-ispejjeż żejda sinifikanti mhux biss għall-Istati Membri iżda wkoll għall-kumpaniji, b’mod partikulari l-SMEs, li s-sopravivenza tagħhom fil-klima ekonomika attwali hija kruċjali.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 39

Kontra: 79

Astensjonijiet: 3


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul (fuq id-dħul mit-tfaddil) fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax”

COM(2008) 727 finali – 2008/0215 (CNS)

(2009/C 277/23)

Rapporteur: is-Sur BURANI

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 94 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni tar-riżervi fuq id-dħul (fuq id-dħul mit-tfaddil) fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax

(COM(2008) 727 finali – 2008/0215 (CNS)).

Is-sezzjoni speċjalizzata għall-Unjoni ekonomika u monetarja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’193 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1.   Il-proposta għal Direttiva li tressqet mill-Kummissjoni għandha l-għan li testendi l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE, li bħalissa hija limitata għall-interessi fuq it-tfaddil, biex tħaddan ukoll sensiela ta’ prodotti finanzjarji ġodda li jipprovdu qligħ iżda ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

1.2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel għal kollox ma’ din l-inizjattiva iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar xi kumplikazzjonijiet amministrattivi u legali li jġibu magħhom dawn ir-regoli l-ġodda. Il-Kummissjoni rikonoxxiet li hemm problema u għamlet minn kollox biex tnaqqas il-piż kemm jista’ jkun: filwaqt li dan l-isforz huwa wieħed rakkomandabbli, kien imxekkel mill-kumplessità tal-proċeduri l-ġodda ppjanati u mid-diffikulatjiet tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

1.3.   Wieħed mill-aspetti importanti huwa dak tal-ispejjeż, li mhux biss jaqgħu fuq l-operaturi u b’hekk fuq is-suq b’mod ġenerali, iżda wkoll fuq l-amministrazzjonijiet fiskali, kemm minħabba l-element ta’ amministrazzjoni kif ukoll il-ħtieġa għal kontrolli iktar preċiżi u estensivi. Is-semplifikazzjoni mhijiex dejjem faċli iżda, madankollu, tibqa’ neċessarja; il-KESE jfakkar ukoll li, barra mill-ispejjeż, m’għandniex ninsew il-kwalità tal-informazzjoni: regoli diffiċli jew ikkumplikati ta’ spiss iwasslu għal informazzjoni ta’ kwalità fqira.

1.4.   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-bżonn li jiġi evitat li r-regoli l-ġodda jiġu applikati b’mod unilaterali mill-UE: mingħajr ftehim ma’ pajjiżi terzi u mal-“pajjiżi tal-ftehim” dan jista’ jwassal għal delokalizzazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ operazzjonijiet mill-Ewropa għal żoni oħra. Fl-istess ħin hemm ir-riskju ta’ distorsjoni serja tal-kompetizzjoni bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Għaldaqstant, l-UE għandha tagħti bidu għal negozjati biex jintlaħaq ftehim għall-adozzjoni ta’ miżuri simili simultanjament fis-swieq finanzjarji prinċipali tad-dinja.

2.   Daħla

2.1.   Id-Direttiva 2003/48/KE stabbilixxiet il-proċeduri neċessarji għat-tassazzjoni tal-imgħax fuq it-tfaddil fi Stat Membru partikolari li jingħata lil benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor. F’Settembru 2008 il-Kummissjoni ressqet lill-Kunsill rapport dwar l-effetti tad-direttiva. Dan ir-rapport issejjes fuq il-komunikazzjoni mill-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri fil-kuntest tal-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni.

2.2.   Ir-riżultati pożittivi ta’ dan ir-rapport ħeġġew lill-Kummissjoni biex tkompli tirfina d-Direttiva oriġinali, u fl-istess ħin testendi l-ambitu tagħha. Għaldaqstant ġew introdotti definizzjonijiet ġodda tal-kunċetti ta’ “benefiċjarju effettiv” u ta’ “aġent ta’ pagament”, ġiet estiża l-firxa ta’ prodotti finanzjarji li l-qligħ minnhom reġa’ daħal fl-ambitu tad-direttiva, u ġew riveduti jew modifikati ħafna aspetti ta’ proċedura.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE josserva l-impenn konsiderevoli min-naħa tal-Kummissjoni fit-tfassil ta’ din il-proposta u japprova għal kollox il-kontenut ġenerali tagħha. Il-konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati wasslet sabiex jitfasslu regoli intiżi biex itejbu dawk eżistenti, jiżguraw tassazzjoni effikaċi fuq id-dħul għall-benefiċċju tal-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, u b’mod indirett, ġew korreġuti d-distorsjonijiet fil-movimenti tal-kapital. Madankollu, hemm ukoll aspetti li l-KESE jħoss li għandu jesprimi r-riżerva tiegħu dwarhom.

3.2.   B’mod ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni tidher li ssegwi loġika ta’ adattament progressiv tal-leġiżlazzjoni fiskali għar-realtà ta’ suq finanzjarju li qabel ma feġġet il-kriżi attwali ra l-ħolqien ta’ bosta prodotti innovattivi b’karatteristiċi li huma diffiċli li jiġu klassifikati u li mhumiex koperti mid-direttiva tal-2003. Ħafna minn dawn il-prodotti jistgħu jwasslu sabiex il-liġi fiskali tiġi evitata b’mod perfettament legali: għaldaqstant dan ifisser li d-direttiva l-ġdida tipprova ttemm dan il-vojt fil-leġiżlazzjoni, billi fil-kunċett ta’ dħul mit-tfaddil (l-imgħax) jiġi inkluż ċertu dħul ieħor minn prodotti finanzjarji innovattivi jew minn ċerti forom ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, li barra minn hekk għandhom jiġu definiti aħjar. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ: madankollu jinnota li l-għan ta’ din l-estensjoni mhuwiex li jinkludi l-assigurazzjoni ġenerali tal-ħajja, il-pensjonijiet u l-annwalitajiet billi dawn iservu l-iskop ċar ta’ kopertura tar-riskju fuq perijodu twil. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-varjetà u s-sofistikazzjoni tal-prodotti finanzjarji innovattivi, mhux ser ikun sempliċi li jiġi kalkolat id-dħul mit-tfaddil li għandu jiġi dikjarat jew il-bażi fiskali.

Fl-introduzzjoni, il-Kummissjoni tiżgurana li fit-tfassil ta’ din il-proposta għal direttiva ikkunsidrat il-piż amministrattiv għall-operaturi, u għaldaqstant, b’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità tal-Artikolu 5 tat-Trattat, ikkonsultat l-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali u l-grupp espert li ġie stabbilit.

3.3.1.   Madankollu, il-KESE jikkunsidra li, minkejja l-intenzjonijiet tajba, il-punt dgħajjef tal-proposta huwa li fil-fatt iżid b’mod konsiderevoli l-piż amministrattiv minħabba fil-ħtieġa li l-operaturi jimmodifikaw il-proċeduri elettroniċi eżistenti jew idaħħlu proċeduri kompletament ġodda. Barra minn hekk f’xi każijiet ir-regoli l-ġodda jidhru ambigwi jew diffiċli biex jiġu implimentati. L-impressjoni ġenerali hija li l-interessi tal-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali – li huma ovvjament favur it-tibdil, billi jgawdu minnu – rebħu fuq il-fatt li kull piż amministrattiv żejjed fuq l-operaturi jgħaddi inevitabbilment għand il-konsumatur, u b’mod iktar ġenerali lis-suq. Lanqas m’għandna ninsew li regoli b’implimentazzjoni diffiċli ħafna drabi jwasslu għal informazzjoni ta’ kwalità fqira.

3.3.2.   Il-KESE huwa tal-fehma li meta jiġu kkunsidrati l-kunċetti fundamentali li ispiraw din il-proposta, l-uniċi emendi li għandhom isiru huma dawk li, mingħajr ma jbiddlu l-ambitu tad-dispożizzjonijiet, jissemplifikaw u jnaqqsu l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi, u fejn hemm bżonn jiddaħħlu l-kjarifiki. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-proċeduri maħsuba biex jistabbilixxu l-identità u r-residenza tal-investituri: il-bidliet proposti mill-Kummissjoni jwasslu għal proċeduri li huma riġidi u tqal wisq. Il-KESE jaħseb li f’dan il-qasam il-modifiki għandhom jimxu skont ir-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-FISCO (Fiscal Compliance Expert Group), korp konsultattiv tal-Kummissjoni stess, li fir-rigward tat-talbiet għall-eżenzjonijiet, issuġġerixxa l-awtoċertifikazzjoni tar-residenza mill-investituri għal finijiet tat-tassazzjoni minn ras il-għajn.

3.3.3.   Fi kwalunkwe każ, id-direttiva għandha tistabbilixxi b’mod ċar prinċipju importanti ferm: kull proċedura, dispożizzjoni u obbligu ġdid għandu jkun effettiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, mingħajr effett retroattiv. Fil-fatt, il-proċeduri elettroniċi kienu programmati fuq il-bażi tad-direttiva fis-seħħ: formalitajiet ġodda b’effett retroattiv ifissru modifiki twal u kumplikati.

3.4.   Il-Kummissjoni żgur ikkunsidrat il-kumplessità tal-formalitajiet mitluba mill-operaturi: u fil-fatt id-direttiva ser tidħol fis-seħħ tliet snin mid-data ta’ meta tiġi ppubblikata, kundizzjoni li tidher raġonevoli u xierqa. Madankollu, l-esperjenza tad-direttiva preċedenti wriet li diversi Stati Membri damu ħafna qabel ma adottaw il-leġiżlazzjoni neċessarja. Bħala konsegwenza nħolqu problemi amministrattivi għall-operaturi; għaldaqstant, il-proposta għandha tistipula li l-Istati Membri huma obbligati li jippubblikaw il-leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni mill-inqas sentejn qabel ma tidħol fis-seħħ id-direttiva.

3.5.   Is-sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fil-konkorrenza (level playing field) għall-pajjiżi kollha tal-ftehim (agreement countries), li tidher fl-24 premessa tad-direttiva tal-2003, inkisbet biss parzjalment, u xorta mhijiex applikabbli għall-pajjiżi li mhumiex parti mill-ftehim; din il-proposta ma ssemmix il-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida għal pajjiżi terzi. Filwaqt li ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ negozjati li jwasslu għal ftehim ġdid, fil-kuntest tal-kriżi attwali fis-swieq ftit hemm ċans li tirnexxi inizjattiva bħal din fil-futur qarib. Is-sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fil-konkorrenza mhijiex l-unika ħaġa li ser tbati: id-delokalizzazzjoni tal-kapital (flight of capital) iġġib magħha konsegwenzi ħafna iktar serji. Dan huwa tħassib li ġie kkunsidrat fil-premessa msemmija hawn fuq iżda ma jidhirx fil-proposta l-ġdida. Il-KESE huwa tal-fehma li mhuwiex rakkomandabbli li jinħolqu disparitajiet ġodda bejn l-obbligi tal-aġenti ta’ pagament tal-Istati Membri u dawk ta’ pajjiżi oħrajn, kemm jekk ikunu “pajjiżi tal-ftehim”, pajjiżi terzi jew territorji dipendenti jew inkella assoċjati. Din il-pożizzjoni tgħodd ukoll fir-rigward tal-estensjoni mħabbra tad-Direttiva għal dħul minn sorsi oħra.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-proposta tinkludi sensiela ta’ rekwiżiti ġodda dwar id-dokumentazzjoni li għandha tiġi preżentata għall-identifikazzjoni jew id-determinazzjoni tal-post ta’ residenza fiskali tas-sidien benefiċjarji. B’mod partikolari Ariktolu 3(2) jirrikjedi li flimkien mad-data u l-post tat-twelid, jingħata wkoll in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (1), li għalih kull pajjiż adotta struttura differenti, filwaqt li d-Direttiva attwali teħtieġ biss jew waħda jew l-oħra. Waħda mis-semplifikazzjonijiet tista’ tkun li, fejn huwa possibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa jiġi sostitwit mill-post u d-data tat-twelid, element li f’kull Stat Membru huwa biżżejjed għal finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ kull resident.

4.1.1.   Proċeduri tqal oħrajn jinbtu mill-fatt li d-dokumentazzjoni oriġinali li tinħareġ trid tiġi aġġornata kontinwament. Il-KESE jħoss li l-infurzar ta’ din ir-regola se jkun kważi impossibbli, u fi kwalunkwe każ tfisser piż tqil: għaldaqstant jipproponi li d-dokumentazzjoni titqies bħala waħda li tibqa’ valida, fejn jiġu rispettati l-istandards “tal-aħjar informazzjoni disponibbli”.

4.1.2.   Barra minn hekk, fuq il-bażi ta’ kjarifiki suċċessivi, jidher li kemm id-dispożizzjonijiet tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa kif ukoll l-aġġornamenti huma fakulattivi, fis-sens li dawn iridu jitniżżlu biss ladarba jiġu f’idejn l-intermedjarju. Jekk dan huwa l-każ, ir-raġuni fundamentali għall-oġġezzjoni, jiġifieri l-piż tal-proċeduri, tiġi fix-xejn.

L-Artikolu l-ġdid 4(1) jestendi l-kunċett tas-sid benefiċjarju u jġibu f’konformità mal-kunċetti stabbiliti mid-direttiva dwar il-ħasil tal-flus (2005/60/KE) u joħloq l-obbligu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni (“look-through”) għall-entità u l-istrutturi legali ta’ pajjiżi terzi, skont l-indikazzjoni tal-Anness I tal-proposta għal direttiva. B’hekk, pagament li jsir lil entità jew lil struttura legali jitqies li sar lis-sid benefiċjarju tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

4.2.1.   Il-KESE jenfasizza d-disparitajiet bejn l-objettivi tad-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq it-tfaddil u d-direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Filwaqt li tal-ewwel teħtieġ li l-aġenti ta’ pagament jidentifikaw il-kontributuri li għandhom jiddikjaraw id-dħul mit-tfaddil lill-Istat Membru tar-residenza tagħhom, it-tieni waħda tistipula li l-aġenti ta’ pagament għandhom jaċċertaw ukoll, flimkien mal-identità tas-soċjetà jew l-istruttura legali li l-isem tagħha jidher fuq il-kont, l-identità tal-persuna li effettivament għandha s-sjieda, tikkontrolla jew tibbenefika mill-kumpanija jew l-istruttura legali. Barra minn hekk, filwaqt li d-direttiva dwar il-ħasil tal-flus tiġi applikata b’mod rigoruż biss fil-każijiet suspettużi, din il-proposta għandha tiġi applikata lill-benefiċjarji kollha; id-differenza tinsab fil-livell dettaljat tal-investigazzjoni li tinħtieġ fil-każ tal-ħasil tal-flus, li jmur lil hinn sew mid-“diliġenza dovuta” tal-leġiżlazzjoni fiskali. Għalhekk, il-konformità ma’ dawn ir-regoli mhix biss diffiċli iżda tqum ħafna flus u hija arbitrarja.

L-Artikolu 4(2) jiċċara n-natura tal-“aġent ta’ pagament b’irċevuta”, jiġifieri dawk l-entitajiet li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-“pajjiż tal-ġestjoni prinċipali” mhumiex taxxabbli fuq id-dħul tagħhom jew id-dħul li jista’ jiġi attribwit lill-membri tagħhom li mhumiex residenti (il-kategoriji, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, jinsabu fl-Anness III tal-proposta għal direttiva). “Il-pajjiż tal-ġestjoni prinċipali” huwa l-pajjiż ta’ residenza tal-persuna li tkun is-sid prinċipali u li tiġġestixxi l-attività. Il-pagamenti rċevuti jew attribwiti lill-aġent ta’ pagament b’irċevuta jitqiesu li saru direttament lis-sid benefiċjarju li d-dħul taxxabbli tiegħu jista’ jkun attribwit legalment.

4.3.1.   L-estensjoni tal-kwalifika ta’ “aġent ta’ pagament b’irċevuta”, li fil-prattika hija diffiċli biex tiġi definita fuq il-bażi tad-Direttiva eżistenti, tista’ toħloq problemi amministrattivi u sistemiċi għall-operaturi oriġinali, u dan minkejja l-isforz li sar biex jiġu elenkati d-diversi tipi li jinsabu fl-Anness III. Barra minn hekk, il-post “tal-kontroll effettiv”, jista’ jkun diffiċli biex jiġi kkonfermat mill-operatur oriġinali. Dawn l-innovazzjonijiet għalhekk iqajmu dubji serji dwar l-operazzjoni u l-ġestjoni. Mhuwiex biss l-aġent tal-pagament b’irċevuta li qed jitgħabba b’dan il-piż u responsabbiltà relattiva, iżda l-amministrazzjonijiet fiskali wkoll ser jittaqqlu b’dawn il-proċeduri kumplikati u li jqumu ħafna flus. Il-benefiċjarji diġà wrew x’inhuma l-problemi li jinbtu mill-adozzjoni tal-miżuri proposti, b’argumenti tekniċi u kumplessi wisq għal min mhux intiż f’dan il-qasam. Il-KESE ma jħossx li għandu jieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni, iżda jistieden lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi biex jikkunsidraw serjament il-problemi li qajmu l-operaturi: ħafna drabi l-objettivi ma jintlaħqux minħabba leġiżlazzjoni li tissottovaluta d-diffukultajiet prattiċi.

L-Artikolu 6 jenfasizza l-ħidma tal-Kummissjoni biex tinkludi fil-kunċett ta’ “interessi” kull qligħ li jirriżulta minn investiment: il-lista twila u dettaljata tal-eżempji għandha l-għan li testendi t-tassazzjoni għad-dħul minn prodotti finanzjarji innovattivi li jirrappreżentaw anomaliji jew li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni attwali. Il-KESE huwa tal-fehma li f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għamlet sforz rakkomandabbli biex timplimenta l-prinċipju ta’ sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd, irrispettivament mill-forma, id-definizzjoni jew is-sofistikazzjoni tal-investimenti tagħhom. Iżda fl-istess ħin, jikkunsidra li huwa neċessarju li titħares il-kompetittività tas-swieq finanzjarji u tal-assigurazzjoni tal-UE. Għaldaqstant l-applikazzjoni tar-regoli inklużi fid-direttiva l-ġdida kemm min-naħa tal-pajjiżi tal-ftehim kif ukoll il-pajjiżi terzi għandha tkun kundizzjoni essenzjali li għandha tiġi negozjata qabel ma r-regoli jidħlu fis-seħħ. Żbilanċ li jippenalizza l-Ewropa ċertament mhuwiex l-aħjar soluzzjoni.

4.4.1.   Bosta paragrafi ta’ dan l-artikolu jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom isegwu l-aġenti ta’ pagament li ħafna drabi jkunu entità differenti minn dawk li joħorġu l-istrumenti finanzjarji jew li jipprovdu l-informazzjoni. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proċeduri jinkludu analiżi, investigazzjonijiet u evalwazzjonijiet li f’ċerti każijiet ma jistgħux isiru mill-aġent ta’ pagament: biex ikunu tassew ġusti għandu jiġi stabbilit b’mod ċar li wara juru li jkunu ġabru l-informazzjoni bid-diliġenza dovuta u li aġixxew b’intenzjonijiet tajbin, l-aġenti ta’ pagament m’għandhomx ikunu responsabbli fil-konfront tal-amministrazzjoni fiskali meta tinħareġ informazzjoni minn partijiet terzi li ma tistax tiġi verifikata bil-mezzi normali ta’ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jkun daqstant ċar li r-responsabbiltà taqa’ fuq l-intermedjarji jew il-partijiet interessati direttament, li jipprovdu informazzjoni żbaljata, inkompluta jew falza.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew

Mario SEPI


(1)  Bl-Ingliż: TIN (Tax Identification Number); bil-Franiż: NIF (Numéro d'Identification Fiscale).


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ tranżazzjonijiet oħra transkonfinali”

COM(2008) 805 finali – 2008/0228 (CNS)

(2009/C 277/24)

Rapporteur: is-Sur BURANI

Nhar it-28 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni u ma’ tranżazzjonijiet oħra transkonfinali

COM(2008) 805 finali – 2008/0228 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’192 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1.   Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni (1), li kienet ħarġet fl-istess żmien tal-proposta tad-direttiva diskussa f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir, li jista’ jkun aktar realistiku u prattikabbli minn oħrajn li ġew proposti qabel għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Dawk ta’ qabel kienu jfiċċu strateġiji aktar wiesa’ u fit-tul, iżda ma kellhomx l-appoġġ konvint tal-Istati Membri. Il-pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir jistabbilixxi regoli komuni għar-reġistrazzjoni u l-kanċellazzjoni mir-reġistri tal-VIES (2), strumenti aħjar tal-kontroll permezz ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u aktar ‘il quddiem, il-ħolqien tal-Eurofisc, korp ta’ stħarriġ u intervent. Fl-aħħar, rigward l-irkurpru ta’ taxxi mitlufa, qed tiġi ppublikata proposta ta’ direttiva flimkien mal-Komunikazzjoni, li hija l-ewwel proposta konkreta ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

1.2.   Il-KESE japprova l-komunikazzjoni, li turi stampa li mhijiex insodisfaċenti għall-aħħar fl-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT, li għadhom definiti bħala “provviżorji” wara li ilhom li daħlu fis-seħħ ħafna għexieren ta’ snin. Madankollu s-sistema għadha kkumplikata wisq u tiswa żżejjed iżda fuq kollox għadha tippermetti ħafna evażjoni. Il-proċeduri elettroniċi huma l-kundizzjoni indispensabbli fil-ġlieda kontra l-evażjoni, iżda l-effikaċja tagħhom tiddependi minn kemm huma adottati b’mod uniformi mill-Istati Membri; għalissa għadna pjuttost ‘il bogħod minn dawn l-objettivi. Wieħed mill-perikli potenzjali huwa l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet nazzjonali separati jew diverġenti.

1.3.   Hemm imniżżla xi suġġerimenti dwar aspetti li jistgħu jiddaħħlu fil-pjan ta’ azzjoni: reviżjoni tal-mudell tal-SCAC (Standing Committee for the Administrative Cooperation), aċċessibbiltà u utilità ikbar tal-bażijiet tad-data u leġiżlazzjoni li ssib l-bilanċ bejn il-ħarsien tad-data u l-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, il-ħolqien ta’ korpi ta’ referenza professjonali li jkunu l-intermedjarji bejn l-amministrazzjonijiet differenti u ċ-ċertifikazzjoni ta’ affidabbiltà tal-operaturi.

1.4.   Il-proposta tad-direttiva l-ewwel nett tiċċara xi dispożizzjonijiet tad-direttiva oriġinali dwar l-eżenzjoni mit-taxxa, li l-interpretazzjoni tagħha tista’ twassal għal xi abbuż: qed jirriżulta li l-implimentazzjoni tar-regola li l-eżenzjoni tingħata meta l-merkanzija importata tinbiegħ fil-Komunità, ma tantx tista’ tiġi kkontrollata fil-fatt. Ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu sensiela ta’ miżuri kawtelari, fosthom l-obbligu li waqt l-importazzjoni l-importatur jippreżenta l-informazzjoni biex ikun identifikat id-destinatarju aħħari.

1.5.   Il-KESE jaqbel għal kollox ma’ din ir-regola, kif ukoll ma dawk dwar l-obbligazzjoni in solidum tal-bejjiegħ u x-xerrej stabbiliti f’pajjiżi differenti fil-każ li wieħed minnhom ma jissodisfax l-obbligi tiegħu f’dak li jirrigwarda l-VAT. Fuq kollox din mhix xi regola ġdida jew innovattiva: diġà teżisti u qed tiġi implimentata bir-reqqa fl-Istati Membri: tiġi kważi injorata meta jkun hemm bżonn tal-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri differenti.

1.6.   Fir-rigward tar-responsabbiltà, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal aspett li qatt ma jiġi kkunsidrat: ir-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet fil-konfront tal-kontribwent u r-responsabbiltà reċiproka tal-amministrazzjonijiet, fil-każijiet meta żbalji jew dewmien iwasslu għal ħsara materjali jew ġuridika. Il-prinċipji bażiċi tal-ekwità u t-trasparenza għandhom iwasslu biex dan il-qasam jiġi regolat.

2.   Daħla

2.1.   Il-proposta għal direttiva u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jsegwu żewġ komunikazzjonijiet oħra: dik tal-2006 li kienet l-ewwel waħda li bdiet id-diskussjoni dwar il-ħtieġa ta’ “approċċ ikkoordinat” fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali b’mod ġenerali, u dik tal-2007 li kienet iffukat fuq il-frodi fil-VAT, u żviluppat l-elementi ewlenin tal-istrateġija. Fi Frar 2008 komunikazzjoni oħra kisbet l-approvazzjoni tal-Kunsill dwar proposta biex jiġu adottati żewġ miżuri “ambizzjużi” li jimmodifikaw is-sistema tal-VAT fil-ġlieda kontra l-frodi: sistema ta’ tassazzjoni tal-operazzjonijiet intrakomunitarji u sistema ġenerali ta’ reverse charge. Fil-każ tat-tieni soluzzjoni, il-Kummissjoni kienet offriet li tniedi proġett pilota; madankollu, il-Kunsill Ecofin ma rnexxielux jilħaq ftehim.

2.2.   Quddiem in-nuqqas ċar ta’ rieda politika li tiġi adottata politika komuni ambizzjuża, il-Kummissjoni daret fuq il-proposta ta’ pjan ta’ azzjoni għal perijodu qasir flimkien ma’ skeda għall-implimentazzjoni: soluzzjoni “konvenzjonali”, li jista’ jkollha iktar ċans li tintlaqa’.

2.3.   Huwa meħtieġ approċċ Komunitarju kemm fil-livell leġiżlattiv kif ukoll dak operattiv, dan tal-aħħar s’issa kien ir-responsabbiltà tal-Istati Membri: id-differenzi fil-metodi bejn l-amministrazzjonijiet differenti inkoraġġew lil dawk li jwettqu l-frodi li jressqu l-attività tagħhom fil-pajjiżi fejn mhemmx miżuri adegwati. Mill-banda l-oħra hemm ukoll problema tal-ispejjeż tal-konformità għall-intrapriżi, li jkollhom jadottaw proċeduri differenti skont il-pajjiż li jaħdmu fih.

2.4.   Il-proposta għal direttiva, ippubblikata flimkien mal-komunikazzjoni, hija l-ewwel inizjattiva fil-qafas ta’ miżuri konvenzjonali. L-eżenzjoni speċifika għall-importazzjonijiet diġà hija rregolata mid-direttiva bażi dwar il-VAT (2006/112/KE), iżda l-mod kif kienet miktuba oriġinarjament kien jippermetti interpretazzjonijiet li wasslu għall-abbużi. Il-proposta tiċċara l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet biex tinkiseb eżenzjoni; fl-istess waqt hija tagħti lill-lstati Membri strument biex jirkupraw il-VAT li jkun intilef minħabba l-evażjoni.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-komunikazzjoni

3.1.   Il-valutazzjoni tal-miżuri adottati fil-passat, li saret mill-Kummissjoni fi ħdan il-grupp ta’ esperti dwar l-istrateġija tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali (ATFS), wasslu biex jiġu identifikati tliet oqsma primarji li jridu jingħataw attenzjoni speċjali biex jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni għal żmien qasir fil-ġlieda kontra l-frodi: sistema tal-VAT iktar rigoruża, strumenti ta’ kontroll u investigazzjoni li huma msaħħa u mezzi aktar effettivi għall-irkupru tat-taxxa mitlufa.

3.2.   Fir-rigward ta’ sistema aktar rigoruża, hemm bżonn ta’ regoli preċiżi li jkunu komuni għar-reġistrazzjoni u l-kanċellazzjoni tad-data li tidħol fis-sistema tal-VIES (VAT Information Exchange System). F’xi Stati Membri n-numri tar-reġistrazzjoni tal-VAT jibqgħu validi anke wara li l-persuna taxxabbli tinsab ħatja ta’ frodi; b’hekk huwa jkun jista’ jkompli l-attività tiegħu; il-Kummissjoni dalwaqt ser tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar regoli komuni għar-reġistrazzjoni u l-kanċellazzjoni tal-VIES. Il-proposta ser tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-operaturi li b’mod elettroniku jaslu għall-informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT tal-kontroparti tagħhom, dritt li llum huwa miżmum jew limitat f’xi Stati Membri. Regoli oħra jirrigwardaw sistema komuni ta’ ħruġ ta’ fatturi li tkun semplifikata u modernizzata. Fl-aħħar nett ser jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-iskambju tal-informazzjoni, li jeliminaw id-differenzi fl-interpretazzjoni li hemm bejn l-Istati Membri dwar meta għandha titħallas il-VAT u li jiggarantixxu li t-trażmissjoni tal-informazzjoni sseħħ fl-istess waqt bejn l-amministrazzjonijiet interessati.

3.3.   L-istrumenti ta’ kontroll huma l-aktar parti delikata tas-sistema, u forsi dik li fiha l-akbar nuqqasijiet; l-attenzjoni qed tintefa’ fuq il-punti dgħajfa li ilhom li ġew identifikati: il-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni. Hemm għadd ta’ proposti leġiżlattivi li qed jiġu studjati. Strument ta’ implimentazzjoni li juri ċertu potenzjal jidher li hu dak tal-ħolqien tal-Eurofisc, netwerk Ewropew ta’ twissija bikrija fuq il-mudell tal-Eurocanet, sistema mwaqqfa mill-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana u appoġġjata mill-Kummissjoni u l-OLAF.

3.4.   It-tielet kapitolu tal-pjan ta’ azzjoni, il-mezzi għall-irkupru tat-taxxa mitlufa, jipprevedi għadd ta’ miżuri. L-ewwel nett, l-Istati Membri huma mħeġġa li jadottaw miżuri legali kontra dawk li jwettqu frodi, li jaħdmu fit-territorju tagħhom u li l-azzjoni tagħhom wasslet għat-telfien tal-VAT fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-aktar parti importanti tirrigwarda l-prinċipju tal-obbligazzjoni in solidum bejn l-operaturi stabbiliti fi Stati Membri differenti, prinċipju li diġà għandu bażi legali iżda li s’issa kull Stat Membru applika fit-territorju tiegħu biss u b’mod limitat għall-operaturi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Barra minn hekk ser titressaq proposta ta’ sistemi uniformi, eżekuttivi jew ta’ kawtela, biex jittejbu l-possibbiltajiet ta’ ġbir transkonfinali tat-taxxa. Fl-aħħar, tinstab soluzzjoni finali għall-problema tal-ħarsien transkonfinali tad-dħul mill-VAT li tkun indipendenti mill-Istat Membru li lilu jkun dovut: problema li s’issa huma biss ftit pajjiżi li diġà qed jeżaminawha.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-Kummissjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha ta’ rfinar tar-regoli dwar l-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-ġbir tal-VAT, li għadha “sistema provviżorja” wara 40 sena minn mindu twaqqfet. Il-bidla għal sistema permanenti teħtieġ l-armonizzazzjoni tar-rati u l-possibbiltà li l-persuni taxxabbli jħallsu t-taxxa tagħhom direttament f’pajjiżhom billi joħorġu fatturi tal-VAT kif jiġri llum fil-pajjiż: objettiv li lanqas biss hemm il-ħsieb li jintlaħaq. Ir-raġunijiet la huma tekniċi u lanqas legali: imma politiċi u għalhekk is-soluzzjoni tagħhom hija kważi impossibbli. Għalhekk il-miżuri li qed jiġu proposti jidħlu fil-qafas ta’ “miżuri konvenzjonali” biex is-sistema li hi biss “provviżjorja” fl-isem issir effikaċi.

4.2.   Fid-dawl ta’ din il-premessa, hemm bżonn li ngħidu li x-xenarju tal-VAT, b’mod ġenerali, mhuwiex insodisfaċenti għall-aħħar anke jekk hemm diversi aspetti għad hemm ħafna xi jsir; iżda huwa kkumplikat, jiswa ħafna u agħar minn hekk, joffri okkażjonijiet għall-evażjoni fil-livell internazzjonali. Id-difett jinstab fl-oriġini stess ta’ sistema provviżjorja li tista’ tinbidel biss f’sistema permanenti li tkun aktar sempliċi u effikaċi permezz ta’ rieda politika li ma teżistix.

4.3.   Il-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tittratta l-aktar nuqqasijiet kbar u evidenti, maqbuda kif inhi bejn il-Kunsill li mhuwiex kapaċi li jieħu deċiżjoni b’unanimità u l-imġiba tal-Istati Membri li, kull wieħed fil-qasam tiegħu, jaħdem biex isolvi l-problemi tiegħu bis-soluzzjonijiet li joħloq hu stess. L-ewwel eżempju li l-Kummissjoni ssemmi hija dik tal-proċeduri elettroniċi li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-persuni taxxabbli u l-amministrazzjoni. Xi Stati Membri, kif ukoll diversi pajjiżi terzi huma aġġornati maż-żminijiet, filwaqt li oħrajn waqgħu lura; il-Kummissjoni tagħti valutazzjoni kumplessiva: “l-ġestjoni tas-sistema tal-VAT fl-UE ma laħqitx mal-iżviluppi fit-teknoloġija tal-informazzjoni” (3). Il-KESE jista’ ma jistax ħlief jaqbel ma’ dan.

4.4.   Għalhekk mhix sorpriża li ħafna Stati Membri, mhux biss dawk li huma aktar avvanzati, imma anke oħrajn, jaħdmu bl-operaturi tagħhom biex ifittxu l-aħjar soluzzjonijiet amministrattivi. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar dan peress li qed tara l-periklu ta’ soluzzjonijiet nazzjonali li mhumiex marbuta flimkien u li huma diverġenti u tirrakkomanda li l-miżuri jiġu kkoordinati. F’dan il-punt il-KESE jixtieq juri ċertu realiżmu: meta l-Kummissjoni tiġi biex tikkoordina attivitajiet ta’ natura Komunitarja, hija għandha s-saħħa li tirregola: u dan wettqitu u twettqu b’mod eżemplari. Mill-banda l-oħra jekk il-problemi jkunu ta’ natura interna u jolqtu lill-Istati Membri individwali, fejn is-saħħa tal-Kummissjoni ma tasalx, ir-rakkomandazzjonijiet ftit li xejn għandhom effett: kulħadd għandu raġuni tajba biex jiġġustifika mġiba awtonoma. Huwa biss meta jkun hemm interessi komuni bejn żewġ pajjiżi jew iktar li wieħed jara l-bidu ta’ soluzzjonijiet kkoordinati.

4.5.   F’dan il-kuntest, il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni għall-fatt li qed tieħu inizjattiva li b’mod prudenti qed tikkwalifika bħala “suġġeriment”: Il-ħolqien ta’ grupp ad hoc li fih jipparteċipaw xi awtoritajiet tat-taxxa u xi intrapriżi (mhumiex imsemmija l-operaturi ċċertifikati) bil-għan li jfittxu aproċċ komuni għall-problemi differenti li jinbtu mir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Qed jiġi rrakkomandat lill-partijiet interessati li joffru l-esperjenzi u r-riżorsi meħtieġa biex dan l-eżerċizzju jkollu possibbiltà ġenwina li jirnexxi: rakkomandazzjoni li l-KESE jixtieq li jkollha suċċess.

5.   Kummenti dwar problemi li għadhom mhux riżolti

5.1.   Il-KESE qed jieħu din l-okkażjoni biex jissuġġerixxi li fil-pjan ta’ azzjoni jiddaħħlu aspetti importanti anke jekk mhumiex marbuta direttament mal-ġlieda kontra l-frodi: strutturi effiċjenti u regoli effikaċi jgħinu biex tinbena sistema rigoruża li wieħed ma jistax jabbuża minnha, jew għall-anqas li tevita l-abbuż u fl-agħar każijiet li tista’ taqbadhom.

5.2.   Dwar il-proċeduri elettroniċi l-Kummissjoni diġà għamlet dak li setgħet bir-“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92”. Fil-livell prattiku jidher li l-mudell tal-iSCAC (Standing Committee for the Administrative Cooperation), użat għall-iskambju tal-informazzjoni u t-talbiet ta’ intervent, għandu jiġi rivedut bil-ħsieb li l-proċeduri jirrispondu iktar għall-ħtiġijiet ta’ urġenza u tal-puntwalità tar-risposti.

5.3.   Fil-qasam tal-bażijiet tad-data l-problema ssir aktar sensittiva; mhijiex biss problema ta’ utilità, iżda wkoll u fuq kollox ta’ aċessibbiltà u ta’ kompletezza tal-informazzjoni. B’riferiment speċifiku għall-VAT, parzjalment għad irid jinstab il-bilanċ bejn il-ħarsien tad-data u l-kollaborazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet; dan jista’ jissolva biss b’liġi li tistabbilixxi l-limiti tal-rekwiżiti rispettivi, liema data għandha tiġi protetta u liema le, fliema ċirkostanzi u x’inhuma l-proċeduri għall-aċċess għall-informazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-ftehimiet mhumiex biżżejjed: is-suġġett għandu bżonn ta’ bażi soda legali, li mingħajr ma tikser il-libertajiet fundamentali tqis l-interess pubbliku bħala prijorità.

5.4.   Problema prattika li trid tissolva hija dik tal-informazzjoni li trid tinġabar fil-lokalità: l-Istati Membri jridu joħolqu korpi ta’ riferiment professjonali li jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni utli għall-Istati Membri li jagħmlu talba u li jkunu awtorizzati li jaqsmuha mal-kontroparti tagħhom fi Stati Membri oħra interessati. Azzjoni Komunitarja tista’ twassal għall-ħolqien ta’ “netwerk” ġenwin ta’ azzjoni f’waqtha li jkollu ċ-ċans li jinteraġixxi b’mod dirett u permezz ta’ kanali riżervati, bil-kollaborazzjoni ta’ awtoritajiet oħra li jistgħu jkunu qed jagħmlu stħarriġ.

5.5.   Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni komuni ma tistax sseħħ mingħajr it-tħaddim perfett tas-sistema VIES, li tippermeti lill-amministrazzjoni li jkollha dak il-ħin stess l-informazzjoni marbuta ma kull tranżazzjoni. Fil-bażi ta’ kollox hemm l-affidabbiltà tal-persuni li jingħataw kodiċi tal-VAT: din l-affidabbiltà trid tiġi vverifikata minn qabel fuq il-bażi tal-kwalitajiet meħtieġa. Jekk u meta jkun possibbli li ż-żewġ kundizzjonijiet - it-tħaddim istantanju u ċ-ċertifikazzjoni minn qabel - jiġu ssodisfati, il-frodi bbażata fuq “missing traders” tonqos drastikament.

5.6.   Sakemm qed nistennew soluzzjoni komprensiva, li ma tidhirx li ser isseħħ malajr, wieħed jista’ jivvaluta b’mod prijoritarju l-possibbiltà li l-affidabbiltà tal-operaturi fis-settur tiġiċertifikata” b’sett uniku ta’ regoli għall-pajjiżi kollha tal-UE: jekk għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jikkorrispondi ċertifikat maħruġ mill-awtorità fiskali kompetenti jkun jista’ jinkiseb ir-riżultat doppju ta’ ħarsien tal-interessi nazzjonali tal-Istati Membri u dawk kummerċjali tal-operaturi Komunitarji. It-tqegħid tal-informazzjoni fin-netwerk iwassal għall-għarfien immedjat ta’ kull dispożizzjoni ta’ revoka jew suspensjoni.

6.   Il-proposta tad-direttiva: kjarifiki u regoli ġodda

6.1.   Kif hemm fil-parti introduttiva tal-proposta, “Din il-proposta hija parti mill-ewwel sett ta’ proposti mħabbra f’din il-Komunikazzjoni”. Qed isiru żewġ modifiki għad-direttiva oriġinali, 2006/112/KE, waħda biex tiċċara xi dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni mill-VAT tal-importazzjoni, li l-interpretazzjoni tagħha wasslet għal ħafna abbużi li ppermettew li jkun hemm min evada l-ħlas tal-VAT, l-oħra biex iddaħħal l-obbligu minflok il-possibbiltà li l-obbligazzjoni in solidum tiġi implementata f’xi każijiet ta’ provvista intra-Komunitarja tal-merkanzija.

L-eżenzjoni tal-VAT għall-importazzjoni (l-Artikolu 143(d)) huwa permess meta l-importazzjoni tiġi segwita minn bejgħ jew trasferiment intra-Komunitarju ta’ merkanzija importata minn persuna taxxabbli oħra fi Stat Membru; fi kliem ieħor, l-eżenzjoni tingħata meta l-merkanzija importata tinbiegħ mill-importatur lil persuna taxxabbli oħra fl-UE. L-investigaturi ta’ kontra l-frodi jindikaw li qed isir abbuż fuq skala kbira minħabba f’implimentazzjoni “mhux adegwata” tar-regoli Komunitarji fil-liġijiet nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, ir-riżultat hu li “fi ħdan il-Komunità mhux qed jiġi żgurat kemm mill-awtoritajiet doganali kif ukoll minn dawk tat-taxxa”. Fil-lingwaġġ fiskali dan huwa “frodi karużell intra-Komunitarju” (frodi intra-Komunitarju ta’ kummerċjanti li jisparixxu – MTIC)

6.2.1.   Id-dispożizzjonijiet li hemm fil-proposta jistipulaw il-preżentazzjoni ta’ dokumenti li juru li min qed jitlob l-eżenzjoni filfatt għandu r-rekwiżiti li huma previsti fid-direttiva oriġinali: identifikazzjoni għall-iskopijiet tal-VAT jew rappreżentant tat-taxxa appuntat fl-Istat Membru tal-importazzjoni; l-obbligu li ssir dikjarazzjoni li l-merkanzija importata ser tintbagħat jew tiġi trasportata fi Stat Membru ieħor; l-obbligu għall-importatur li waqt l-importazzjoni juri n-numru tal-identità tal-VAT tad-destinatarju tal-merkanzija fi Stat Membru ieħor.

6.2.2.   Il-KESE m’għandux kumment partikolari hawnhekk, peress li dan huwa suġġett fejn ir-raġuni għad-dispożizzjoni tinsab fit-titjib tas-sistemi amministrattivi biex tiġi evitata l-frodi potenzjali. Jibqa’ d-dubju biss dwar l-hekk imsejħaterritorji terzi”. Il-kunċett ta’ “Stat Membru” fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-VAT tinsab fl-Artikolu 5(2) tad-direttiva oriġinali; l-Artikolu 6 ta’ wara jistabbilixxi li d-direttiva mhix applikabbligħat-territorji terzi (4) billi dawn huma eżentati milli jħallsu l-VAT fuq l-importazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 143(c) u (d). Ir-regola mhijiex ambigwa: iżda jrid jiġi żgurat jekk, u sa liema punt, din l-eżenzjoni tipproteġi l-applikazzjoni tal-VAT mill-abbuż.

Id-dispożizzjoni ġdida tal-proposta tad-direttiva (Artikolu 1(2)) tieħu post l-Artikolu 205 tad-direttiva oriġinali, li tistabbilixxi li persuna differenti mill-persuna li għandha tħallas it-taxxa tkun f’obbligazzjoni in solidum mal-esportatur għall-ħlas tal-VAT. Fil-prattika, u fil-qosor, id-dispożizzjoni tistipula li l-bejjiegħ għandu jiddikjara t-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji tiegħu, u dan għall-iskop li l-Istat Membru tax-xerrej ikun jista’ jkun jaf bit-tranżazzjonijiet taxxabbli fit-territorju tiegħu.

6.3.1.   Il-prinċipju tal-obbligazzjoni in solidum għandu l-ħsieb li jagħmel lill-bejjiegħ attent mhux biss li jwettaq l-obbligi tiegħu li jinnotifika, iżda b’mod impliċitu li jagħżel u jkun jaf lill-klijenti tiegħu tajjeb kif ukoll is-solvenza tagħhom: jekk dan tal-aħħar ma jwettaqx l-obbligazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru tiegħu huwa awtorizzat li jirkupra t-taxxa tal-VAT li ma tkunx tħallset u penali oħra mingħand il-bejjiegħ. L-Istati Membri applikaw din ir-regola b’reqqa, iżda llimitawha għat-tranżazzjonijiet nazzjonali. B’mod impliċitu huma traskuraw milli jestendu l-prinċipju għat-tranżazzjonijiet internazzjonali, insew l-obbligu tagħhom li jikkollaboraw u jipproteġu anki l-interessi tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tad-destinatarji.

6.3.2.   Il-proposta l-ġdida tfittex li timla dan il-vojt, billi b’mod espliċitu testendi l-prinċipju tal-obbligazzjoni in solidum għat-tranżazzjonijiet internazzjonali; barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li skont il-Kummissjoni (5) din id-dispożizzjoni diġà dehret fl-Artikolu 205 iżda s’issa l-Istati Membri applikawha biss għat-tranżazzjonijiet nazzjonali.

6.3.3.   Il-KESE jesprimi l-qbil sħiħ tiegħu ma’ din il-proposta tal-Kummissjoni; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-irkupru tal-kreditu tal-amministrazzjoni ta’ Stat Membru fil-konfronti ta’ persuna residenti fi Stat Membru ieħor jiġi regolat u jsir fattibbli. It-triq legali timplika l-użu ta’ regoli fil-qasam tal-kollaborazzjoni legali; irkupru amministrattiv permezz tal-amministrazzjoni tal-Istat Membru tal-esportatur jitlob ftehimiet preċiżi flimkien mas-soluzzjoni tal-problemi legali li hemm warajhom.

6.3.4.   L-aħħar kumment huwa ta’ natura ġenerali iżda huwa pertinenti għas-suġġett tal-proposta, li għan tagħha ewlieni huwa dak li jiġu difiżi l-interessi tal-amministrazzjoni fiskali. Fl-ebda parti tat-test ma hemm imsemmija r-responsabbiltà materjali u legali tal-amministrazzjonjiet lejn il-persuni li jħallsu t-taxxa minħabba żbalji jew dewmien fil-komunikazzjoni tal-kodiċi tal-kontroparti, u lanqas tar-responsabbiltà ta’ amministrazzjoni ta’ pajjiż lejn amministrazzjoni oħra. Leġiżlazzjoni li tkun ispirata mill-ekwità u t-trasparenza dejjem għandha tqis id-drittijiet tal-kontribwenti meta mqabbla mas-saħħa wisq ikbar tal-Istat.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 807 finali “Strateġija koordinata biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-Unjoni Ewropea”

(2)  VAT Information Exchange System (Sistema ta’ skambju tal-informazzjoni dwar il-VAT)

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2008) 807 finali Artikolu 4 (1).

(4)  Territorji li jagħmlu parti mit-territorju doganali tal-Komunità: Mount Athos, il-Gżejjer Kanarji, id-Dipartimenti Franċiżi li jinsabu barra minn Franza, il-Gżejjer Åland, il-Gżejjer tal-Kanal; territorji li ma jagħmlux parti mit-territorju doganali tal-Komunità: il-Gżira ta’ Heligoland, it-territorju ta’ Büsingen, Ceuta, Melilla, Livigno, Campione d’Italia, l-ilmijiet Taljani tal-Għadira ta’ Lugano

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2008) 207 finali, 3.3.1(2)


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”

COM(2008) 704 finali – 2008/0217 (COD)

(2009/C 277/25)

Rapporteur: is-Sur MORGAN

Nhar l-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu

COM(2008) 704 finali – 2008/0217 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Morgan.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’157 vot favur, 4 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Din l-opinjoni tfasslet fil-kuntest tal-agħar kriżi ekonomika fi żmien ta’ paċi ta’ dawn l-aħħar tmenin sena. Din il-kriżi qed tagħmel ħafna ħsara lill-interessi ta’ min iħaddem, tal-impjegati u tal-gruppi kollha rappreżentati mill-KESE kif ukoll lis-soċjetà ċivili b’mod ġenerali. L-intrapriżi qed ifallu, l-impjiegi qed jonqsu, id-djar qed jittieħdu lura, il-pensjonijiet jinsabu mhedda, l-inkwiet ċivili qed jinfirex u qed jaqgħu l-gvernijiet. Waħda mill-kawżi kienet il-prestazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu (Credit Rating Agencies – CRA). Ir-rwol tas-CRA huwa ċentrali għat-tħaddim tas-sistema finanzjarja u għaldaqstant din ma tistax ma tkunx monitorjata. L-awtoregolamentazzjoni falliet bil-kbir u l-prestazzjoni tal-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kienet waħda ħażina ħafna. Il-Kumitat jappoġġja għal kollox il-pjan tar-regolazzjoni u r-reġistrazzjoni tas-CRAs.

1.2.   Minħabba raġunijiet storiċi l-industrija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu hija oligopolju dinji li jinvolvi tliet CRAs magħrufin bħal Fitch, Moody’s u S&P. Għalkemm għandhom is-sede fl-Istati Uniti, dawn huma l-provvedituri ewlenin tas-servizzi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fl-Unjoni Ewropea. Is-CRAs ilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni tal-SEC fl-Istati Uniti mill-2007. S’issa fl-UE m’hemm l-ebda ħtieġa ta’ reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni hija, fil-fatt, il-pass qabel ir-regolazzjoni.

1.3.   Fl-2007, ir-rati ta’ delinkwenza u qbid tas-self (foreclosure) għall-ipoteki tat-tip subprime fl-Istati Uniti bdew jiżdiedu b’mod drammatiku u dan wassal għal taqlib fis-swieq għat-titoli appoġġjati mill-ipoteki residenzjali (RMBS – Residential Mortgage-Backed Securities), li kienu ffinanzjati minn self ta’ dan it-tip u minn obbligi ta’ dejn garantit (Collateralised Debt Obligations – CDOs) marbuta ma’ titoli bħal dawn. Hekk kif il-prestazzjoni ta’ dawn it-titoli kompliet sejra lura, it-tliet CRAs li kienu l-iktar attivi fil-klassifikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti baxxew għadd kbir tal-klassifikazzjonijiet tagħhom. Il-prestazzjoni tas-CRAs fil-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti finanzjarji strutturati qajmet mistoqsijiet dwar il-preċiżjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu b’mod ġenerali kif ukoll dwar l-integrità tal-proċess ta’ klassifikazzjoni kollu kemm hu.

1.4.   Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-approċċ regolatorju tagħha għas-CRAs u stqarret li kienet ser timmonitorja l-iżviluppi f’dan il-qasam bir-reqqa. F’Ottubru 2007, il-Ministri tal-Finanzi tal-UE qablu fuq għadd ta’ konklużjonijiet dwar il-kriżi li inkludew proposta għall-evalwazzjoni tar-rwol li kellhom is-CRAs u li jindirizzaw kull nuqqas rilevanti. Wara konsultazzjoni mifruxa u wara li qieset l-attivitajiet f’pajjiżi oħra, il-Kummissjoni ressqet dan l-abbozz ta’ Regolament.

1.5.   Il-proposta għandha erba’ objettivi ġenerali:

l-ewwel, li jkun żgurat li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jevitaw il-konflitti ta’ interess fl-ipproċessar tal-klassifikazzjonijiet jew għall-anqas jamministrawhom b’mod adegwat;

it-tieni, li tittejjeb il-kwalità tal-metodoloġiji użati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet;

it-tielet, li tiżdied it-trasparenza billi jkun hemm obbligi għall-iżvelar stabbiliti għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu;

ir-raba’, li jkun żgurat qafas effiċjenti tar-reġistrazzjoni u sorveljanza, li jevita arbitraġġ regolatorju bejn il-ġurisdizzjonijiet tal-UE.

1.6.   Mindu l-Kummissjoni ppubblikat il-proposti regolatorji tagħha, il-Grupp Larosiere ħareġ ir-rapport tiegħu. Fir-rigward tas-CRAs, dan ir-rapport għamel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

fl-UE, CESR (Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej) iktar b’saħħtu għandu jkun inkarigat mir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tas-CRAs;

għandha ssir analiżi mill-ġdid tal-mudell tas-CRAs, tal-iffinanzjar tiegħu u tal-iskop għas-separazzjoni tal-attivitajiet tal-klassifikazzjoni u l-konsulenza;

l-użu tal-klassifikazzjoni fir-regoli finanzjarji għandu jitnaqqas b’mod sinifikanti u gradwali;

il-klassifikazzjoni għall-prodotti strutturati għandha tiġi trasformata bl-introduzzjoni ta’ kodiċi distinti għal prodotti bħal dawn.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser jiġu diskussi fis-sezzjonijiet rilevanti ta’ din l-opinjoni.

Barra minn hekk, il-Grupp innota li huwa essenzjali li dawn il-bidliet regolatorji jkunu akkumpanjati minn żieda fid-diliġenza dovuta u dehen min-naħa tal-investituri u sorveljanza mtejba. Il-KESE japprova għal kollox din l-osservazzjoni.

1.7.   Il-COREPER ikkunsidra wkoll il-proposti regolatorji tal-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja l-proposta għall-approvazzjoni tal-klassifikazzjoni stabbilita f’pajjiżi terzi.

1.8.   Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni b’mod ġenerali. Is-CRAs kellhom rwol importanti fl-iżvilupp u l-kredibbiltà ta’ prodotti strutturati li issa skoprejna li kienu tossiċi u li qerdu assi li jiswew mijiet ta’ biljuni ta’ dollari. Id-dispożizzjonijiet tar-regolament propost huma l-minimu li huwa meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi. Ta’ min jgħid ukoll li l-KESE wasal għall-konklużjoni li r-regoli mhux ser ikunu piż ta’ barra minn hawn għal CRA ġestjonata sew.

1.9.   Is-CRAs jokkupaw pożizzjoni privileġġjata fl-industrija tas-servizzi finanzjarji billi l-entitajiet regolati fl-industrija jrid ikollhom titoli ta’ livell ta’ investiment. L-awtoritajiet miż-żewġ naħat tal-Atlantiku għażlu li jirrikonoxxu ftit li xejn CRAs għal finijiet regolatorji. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-proċess il-ġdid tar-reġistrazzjoni biex tiftaħ l-industrija tal-klassifikazzjoni għal CRAs ġodda, billi tiffavorixxi l-ħolqien ta’ aġenżija Ewropea indipendenti, u biex tikteb mill-ġdid ir-regolamentazzjoni finanzjarja biex tirrikonoxxi, għal finijiet regolatorji, klassifikazzjoni minn kull CRA reġistrata fl-UE. Mhux ser ikun faċli għas-CRAs il-ġodda biex jistabbilixxu ruħhom u jibnu l-kredibbiltà. Madankollu, it-tkabbir tal-Fitch tul dawn l-aħħar għaxar snin, iffinanzjat minn kumpanija holding Franċiża, juri li dan huwa possibbli.

1.10.   Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji kienet il-forza prinċipali wara l-oligopolju tas-CRA minħabba d-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet għal riżervi kapitali. Il-KESE jħeġġeġ lir-regolaturi tal-UE biex ma jserrħux iżżejjed fuq il-klassifikazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ dan l-aħħar fejn ġie skopert li ċerti klassifikazzjonijiet ma kellhom l-ebda valur. Dan huwa konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-Grupp Larosiere li l-użu tal-klassifikazzjoni għar-regolazzjoni finanzjarja għandu jitnaqqas b’mod gradwali.

1.11.   F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tar-rinunzji tas-CRAs. Billi r-rinunzji għandhom tendenza li jiżvalutaw il-klassifikazzjoni, il-klassifiki nnifishom mhumiex fil-fatt bażi sodisfaċenti biex jiġi determinat il-kapital regolatorju. Għandhom jittieħdu passi biex is-CRAs ikunu responsabbli għall-klassifikazzjoni tagħhom. Żbalji ġenwini jistgħu jiġu ttollerati iżda n-nuqqas ta’ diliġenza dovuta ma jistax.

1.12.   Il-KESE jappoġġja l-proposta li s-CRAs għandhom ikunu entità legali stabbilita fil-Komunità u li l-Istat Membru tas-sede għandu jkun ir-regolatur. Il-Kummissjoni ressqet l-argumenti tagħha kontra l-allokazzjoni tar-regolazzjoni u l-monitoraġġ fi ħdan korp ċentralizzat. Filwaqt li dan imur kontra l-proposta tal-Grupp Larosiere, il-KESE mhux neċessarjament jirrifjuta a priori l-idea tal-ħolqien ta’ awtorità ġdida ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE jekk jirriżulta li l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ma jkunux sodisfaċenti.

1.13.   Il-KESE huwa ferm kuntent li r-regolament propost jista’ jkun verament effettiv. Il-miżuri ta’ sorveljanza disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti jinkludu t-tneħħija ta’ reġistrazzjoni u t-tnedija ta’ proċeduri kriminali. Il-penali għandhom japplikaw għall-każijiet ta’ kondotta professjonali ħażina u n-nuqqasijiet ta’ diliġenza dovuta. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn il-penali għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-KESE jemmen li dan għandu jiġi kkoordinat mill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR).

1.14.   Mil-lat tal-organizzazzjoni hemm dipendenza konsiderevoli fuq ir-rwol tad-diretturi indipendenti mhux eżekuttivi. Il-KESE jemmen li għandu jkun obbligatorju li kull ħatra mhux eżekuttiva tirċievi approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti. Fil-kuntest propost, din l-approvazzjoni hija indispensabbli.

1.15.   Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, biex bħala parti mis-sorveljanza tagħhom tal-organizzazzjoni, josservaw mill-qrib ir-rabta bejn l-industrija tal-klassifikazzjoni u l-istennijiet tal-azzjonisti. Il-mudell ta’ CRA ma jistax jiġi adattat malajr għall-etika ta’ kumpanija pubblika. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istruttura tal-bonusijiet li jingħataw għall-prestazzjoni fil-livell tal-eżekuttiv. Il-Grupp Larosiere esprima l-istess tħassib u talab analiżi addizzjonali tal-mudell tas-CRA. Il-KESE jappoġġja dan il-għan.

1.16.   Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7. Il-pubblikazzjoni tal-metodoloġiji ser toħroġ fid-dieher jekk il-klassifikazzjonijiet sarux bis-saħħa ta’ “shortcuts” jew ħrib. B’żieda ma’ dan, is-CRA issa hi marbuta li tiċċekkja s-sorsi tagħha tal-informazzjoni u tiżgura li huma tajbin biżżejjed biex iwasslu għal klassifikazzjoni. Barra minn hekk, huwa daqstant importanti li jiġi rikonoxxut li r-regoli dwar metodoloġiji u ipoteżijiet li qed jinbidlu, li kieku kienu fis-seħħ, setgħu jixħtu d-dawl fuq l-iżbalji tal-klassifikazzjoni tal-RMBS ħafna snin qabel l-2007.

1.17.   Safejn jikkonċerna l-iżvelar, il-KESE huwa kuntent b’mod partikolari li l-UE ser tagħmel iktar mill-Istati Uniti rigward il-prodotti strutturati, billi teħtieġ li, b’mod jew ieħor, l-elementi tossiċi ta’ dawn il-prodotti jkunu enfasizzati lill-investituri potenzjali. Il-Grupp Larosiere ippropona li tintuża sistema separata ta’ notazzjoni u fil-fatt din tkun l-għażla preferuta tal-KESE.

1.18.   L-oġġezzjonijiet kontra sensiela separata ta’ simboli ta’ klassifikazzjoni għal prodotti strutturati jiffokaw fuq il-possibbiltà li wara li tbaxxew ħafna klassifikazzjonijiet, il-bonds li jġorru din in-notazzjoni distinta jistgħu jiġu kkunsidrati bħala investimenti ta’ grad baxx. Fil-fehma tal-KESE, din ma tkunx ħaġa ħażina sakemm terġa’ tiġi stabbilita r-reputazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ bonds bħal dawn.

1.19.   L-iżvelar ġenerali għall-finijiet regolatorji u dak tas-suq huma aċċettabbli, iżda b’żewġ kundizzjonijiet. Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjoni fir-regolament tal-UE dwar l-iżvelar semiannwali tar-rati ta’ nuqqas ta’ ħlas lura (default rates) ikunu iktar speċifiċi u jixtieq ukoll li r-regola ta’ żvelar ta’ 5 % tiġi riveduta mis-CESR.

1.20.   Fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku kien hemm tħassib dwar il-possibbiltà li r-reġimi regolatorji tal-Istati Uniti u tal-UE jħaddnu regoli kontradittorji. Kien hemm saħansitra s-suġġeriment ta’ reġim dinji uniku. Il-KESE ma jsibx oġġezzjoni kontra r-reġim propost mill-UE, li mhuwiex mistenni jmur kontra r-reġim tal-Istati Uniti. F’ċirkustanzi fejn il-kumpaniji jkollhom jadattaw għal standards differenti f’reġimi differenti s-soltu jiġu stabbiliti politiki mmirati lejn “l-ogħla fattur komuni”. M’hemm l-ebda raġuni għalfejn approċċ bħal dan m’għandux japplika f’dan il-każ.

2.   Daħla

2.1.   RMBS tinħoloq minn “arranger”, ġeneralment bank tal-investiment, li jgħaqqad pakkett ta’ ipoteki – ġeneralment eluf ta’ arranġamenti individwali għas-self – fi trust wieħed. It-trust imbagħad joħroġ titoli garantiti minn dan il-pakkett. It-trust juża l-irċevuti mit-titoli biex jixtri l-pakkett tas-self. L-ammont globali ta’ imgħax ta’ kull xahar u l-ħlasijiet tal-kapital mill-ipoteki individwali jintużaw biex isiru l-ħlasijiet tal-imgħax ta’ kull xahar u tal-kapital lill-investituri tal-RMBS. Jintużaw tliet strumenti prinċipali biex idawru dawn il-pakketti ta’ self dubjuż tat-tip subprime fi prodotti ta’ klassifikazzjoni AAA: (i) l-RMBS hija maqsuma f’diversi oqsma li joffru ġerarkija ta’ sigurtà u qligħ, (ii) garanziji żejda, sabiex il-valur tal-pakkett tas-self għad-djar jaqbeż il-valur tal-RMBS, (iii) firxa eċċessiva sabiex l-imgħax tal-ipoteki dovut mill-pakkett jaqbeż l-ammont ta’ imgħax tal-RMBS li għandu jitħallas. Barra minn hekk, kien hemm ipoteżi fundamentali li l-prezzijiet tad-djar kienu se jibqgħu telgħin.

2.2.   Il-kunċett ta’ CDO huwa simili ħlief li juża t-titoli tad-dejn mhux l-ipoteki. L-użu tal-RMBS f’pakketti ta’ garanziji ta’ CDO qabeż minn 43,3 % fl-2003 għal 71,3 % fl-2006, u effettivament ħoloq dar tar-ramel mibnija fuq l-oħra. Is-Securities and Exchange Commission (SEC) tal-Istati Uniti sabet ittra elettronika interna li rreferiet għas-suq tas-CDO bħala “mostru”. “Nittamaw li nkunu sirna sinjuri u li nkunu ħriġna bil-pensjoni qabel ma tikkollassa din id-dar tar-ramel.”

2.3.   Pass prinċipali fil-ħolqien u, fl-aħħar mill-aħħar, fil-bejgħ ta’ RMBS jew CDO tat-tip subprime huwa l-għażla ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għal kull “tranche” li toħroġ it-trust. F’Awwissu 2007 l-SEC bdiet tanalizza r-rwol tas-CRA fit-taqlib li kien seħħ. L-enfasi tal-analiżi kienet fuq il-mod li bih is-CRAs kienu kklassifikaw l-RMBS u s-CDOs. It-taqsimiet prinċipali tal-analiżi inkludew:

a)

politiki, proċeduri u prattiki ta’ klassifikazzjoni li jinkludu mudelli, metodoloġiji, ipoteżijiet, kriterji u protokolli;

b)

is-suffiċjenza tal-iżvelar ta’ dak imsemmi hawn fuq;

c)

jekk is-CRAs fil-fatt kinux jikkonformaw mal-proċeduri tagħhom stess;

d)

l-effikaċja tal-proċeduri tal-kunflitt ta’ interessi;

e)

jekk il-klassifikazzjoni kenitx influwenzata wisq minn kunflitti ta’ interess.

2.4.   Ir-riżultati ġenerali ġew rapportati kif ġej:

a)

kien hemm żieda sostanzjali fil-għadd u l-kumplessità tal-ftehimiet tal-RMBS u s-CDO mill-2002; uħud mis-CRAs batew biex jimmaniġġjaw it-tkabbir, speċjalment tas-CDOs, b’impatt konsegwenti fuq il-kompletezza tal-proċess tal-klassifikazzjoni;

b)

aspetti sinifikanti tal-proċess tal-klassifikazzjoni, bħall-kriterji tal-klassifikazzjoni, mhux dejjem ġew żvelati; saru aġġustamenti “barra mill-mudell” mingħajr raġuni dokumentata;

c)

l-ebda waħda mill-aġenziji ma kellha proċeduri dokumentati għall-klassifikazzjoni tal-RMBS u s-CDOs, u lanqas ma kellhom politiki u proċeduri speċifiċi biex jidentifikaw jew jindirizzaw żbalji fil-mudelli jew il-metodoloġiji tagħhom;

d)

is-CRAs kienu bdew jimplimentaw prattiki ġodda biex jeżaminaw l-informazzjoni ta’ klassifikazzjoni li tingħatalhom mill-emittenti, iżda qabel ma kien hemm l-ebda ħtieġa li s-CRA kellha tivverifika l-informazzjoni fil-portafolli tal-RMBS, u lanqas ma kienu jinsistu li l-emittenti jagħmlu eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta fuq dawn il-portafolli.

e)

is-CRAs mhux dejjem iddokumentaw il-passi importanti li ttieħdu fil-proċess tal-klassifikazzjoni – inkluż ir-raġuni għad-devjazzjoni mill-mudelli tagħhom u għall-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-klassifikazzjoni – u mhux dejjem iddokumentaw il-preżenza ta’ parteċipanti sinifikanti fil-kumitati tal-klassifikazzjoni;

f)

il-proċessi tal-monitoraġġ ta’ klassifikazzjoni għaddejja li jintużaw mis-CRAs jidhru li huma inqas robusti mill-proċessi użati għall-klassifikazzjoni tal-bidu; in-nuqqas ta’ riżorsi kellu impatt fuq il-waqt tal-attività tal-monitoraġġ; il-monitoraġġ li sar kien ftit li xejn dokumentat u kien hemm nuqqas ta’ proċeduri bil-miktub;

g)

ġew identifikati kwistjonijiet fil-ġestjoni tal-kunflitti tal-interess u l-effett tagħhom fuq il-proċess tal-klassifikazzjoni; parteċipanti ewlenin fil-proċess tal-klassifikazzjoni setgħu jieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar il-miżati;

h)

il-proċessi ta’ verifika interna varjaw ħafna; mit-tliet aġenziji waħda biss kienet ikkunsidrata li kellha kontrolli adegwati għall-konformità.

2.5.   Jeżisti kunflitt inerenti fil-mudell tal-operat tal-industrija għax l-emittent tad-dejn iħallas għall-klassifikazzjoni, iżda l-kunflitt huwa agħar fil-każ tal-prodotti strutturati billi (i) l-arranger ifassal il-ftehim u b’hekk hemm il-flessibbiltà fil-mod kif tista’ tiġi strutturata biex tinħareġ l-aħjar klassifikazzjoni possibbli u min jirranġa jista’ saħansitra jagħżel is-CRA li tagħti l-ħruġ tas-self klassifikazzjoni favorevoli u (ii) hemm konċentrazzjoni qawwija ta’ “arrangers”.

2.6.   Minn kampjun ta’ 642 ftehim ta’ RMBS, kien hemm tnax-il arranger li kienu inkarigati minn 80 % tal-fethimiet; f’kampjun ta’ 368 ftehim ta’ CDO, kien hemm ħdax-il arranger li kienu inkarigati minn 80 % tal-ftehimiet; tnax mill-ikbar tlettax-il underwriter tal-RMBS kienu wkoll l-ikbar tnax-il underwriter tas-CDOs. It-taħlita tal-influwenza tal-arrangers fl-għażla tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni u l-konċentrazzjoni qawwija ta’ arrangers li għandhom din l-influwenza tidher li ħraxet il-kunflitti ta’ interess inerenti fil-mudell ta’ kumpens fejn “iħallas l-emittenti”.

2.7.   L-SEC ippubblikat ir-riżultati tagħha f’Lulju 2008 meta kienet diġà ħarġet il-proposti regolatorji għall-konsultazzjoni. Fit-3 ta’ Diċembru 2008 ġew ippubblikati regolamenti ġodda fl-Istati Uniti. Fit-12 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni tal-UE ppubblikat l-abbozz ta’ Regolament – (COM 2008) 704 finali – u din hija l-pubblikazzjoni li tirreferi għaliha l-Opinjoni.

2.8.   L-investigazzjoni ma kenitx limitata għar-regolaturi. Fit-18 ta’ Ottubru 2008, il-Financial Times (FT) ħarġet exposé dwar ir-rwol ta’ Moody’s fil-kriżi tas-subprime. Moody’s ma ċaħditx din l-istorja. Partijiet mir-riċerka li tidher fl-artiklu jinsabu fil-punti 2.9 sa 2.12.

2.9.   Moody’s bdiet tiġi kkwotata fil-borża fis-sena 2000. Wara l-kwotazzjoni, il-bidla kienet waħda preċipituża. F’daqqa waħda beda jkun hemm konċentrazzjoni qawwija fuq il-profitt. Id-diriġenti rċevew opzjonijiet fuq l-ishma u l-punt fokali kollu kemm hu ċċaqlaq. Moody’s irrapportaw l-ogħla marġni ta’ profitt li qatt kienu raw il-kumpaniji fl-Index 500 ta’ S&P u żammew din il-pożizzjoni għal ħames snin wara xulxin. Il-valur tal-ishma tagħhom għola b’500 % matul l-ewwel erba’ snin ta’ kummerċ meta dan kien perijodu li matulu l-attività fil-bqija tas-suq kienet waħda dgħajfa. Fi żmien għaxar snin id-dħul ta’ Moody’s għola b’900 %.

2.10.   Fil-bidu tal-millennju kien kważi impossibbli li CDO jingħata klassifikazzjoni AAA mingħand Moody’s jekk il-garanziji kienu kollha bbażati fuq is-self għall-proprjetà. L-aġenzija kellha metodu ta’ klassifikazzjoni fejn l-element ta’ diversità kien meqjus importanti ħafna li żamm lit-titoli b’garanziji omoġenji milli jirbħu l-ogħla klassifikazzjoni. B’hekk is-sehem tas-suq ta’ Moody’s naqas għax iż-żewġ kompetituri ma kinux japplikaw regola prudenti bħal din. Fl-2004, Moody’s neħħa din ir-regola u wara li għamel dan, is-sehem tiegħu tas-suq spara ’l fuq.

2.11.   Fl-2006, Moody’s beda jikklassifika s-CPDOs (Constant Proportion Debt Obligations – obbligazzjonijiet tad-dejn bi proporzjon kostanti). Il-klassifikazzjoni ta’ dan id-dejn kienet AAA. Fitch, li ma ntalab jikklassifika l-ebda CPDO, stqarr li skont il-mudelli tiegħu dawn il-bonds ma kienu jiswew kważi xejn (junk bonds). Is-CPDOs kienu meqjusa bħala l-ikbar strument ta’ qligħ li qatt kien għadda minn idejn Moody’s. Fl-ewwel parti tal-2007 skoprew żball fil-kodiċi tal-kompjuter għas-simulazzjoni tal-prestazzjoni tas-CPDO. Instab li l-prodott kien qed jiġi sopravalutat b’erba’ gradi. La l-investituri u lanqas il-klijenti ma ġew infurmati b’dan l-iżball. Il-kodiċi ġiet riveduta b’tali mod li reġgħet bdiet toħroġ klassifikazzjonijiet AAA. Sussegwentement, wara li l-FT żvelat dan l-iżball, tnedew proċeduri dixxiplinarji.

2.12.   Sa nofs l-2007 is-sitwazzjoni fil-qasam tad-djar fl-Istati Uniti kienet bdiet sew it-triq tan-niżla u Moody’s intebaħ li l-mudelli tiegħu ma kinux adattati. F’Awwissu tal-2007 beda jbaxxi l-klassifikazzjonijiet tal-bonds garantiti mill-ipoteki meta kien diġà beda t-taqlib. L-għadd ta’ bonds li Moody’s baxxielhom il-klassifikazzjoni matul l-aħħar xhur tas-sena kien iktar minn dak ta’ matul id-19-il sena ta’ qabel. Moody’s jisħaq li ma kien hemm l-ebda mod li bih seta’ jbassar il-bidu tal-kriżi tal-kreditu iżda ta’ min jgħid ukoll li din l-istess aġenzija kienet ilha mill-2002 ma taġġorna l-ipoteżijiet statistiċi fundamentali dwar is-suq tal-ipoteki. Fl-2006 l-istaff intern kien qed jiddibatti din il-kwistjoni iżda ma kienx hemm riżorsi disponibbli għall-analiżi u għall-evalwazzjoni mill-ġdid.

2.13.   Kemm l-evidenza empirika mill-SEC kif ukoll l-evidenza aneddotali mill-FT juru li hemm bżonn ħafna bidliet sabiex is-CRAs jaqdu dmirhom u jilħqu l-istandards mistennija minnhom.

3.   Kontenut essenzjali tal-Proposta għal Regolament

Il-qafas tar-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ

3.1.   L-Artikolu 2 jistipula li r-Regolament japplika għall-klassifikazzjoni tal-kreditu li tintuża għal finijiet regolatorji filwaqt li l-Artikolu 4 jistipula li l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jużaw biss għal finijiet regolatorji l-klassifikazzjoni tal-kreditu li tinħareġ minn CRAs stabbiliti fil-Komunità u li jkunu reġistrati skont dan ir-regolament.

3.2.   L-Artikolu 12 jistipula li CRA tista’ tapplika għar-reġistrazzjoni bil-għan li tiżgura li l-klassifikazzjonijiet tagħha tal-kreditu jkunu jistgħu jintużaw għal finijiet regolatorji sakemm hi tkun entità legali stabbilita fil-Komunità. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza tirreġistra s-CRA jekk tikkonforma mal-kundizzjonijiet tar-regolament. Din ir-reġistrazzjoni tkun valida madwar il-Komunità.

3.3.   L-applikazzjoni inizjali għar-reġistrazzjoni għandha tintbagħat lis-CESR (il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej) u mbagħad dan iressaqha lill-Istat Membru/i responsabbli (Artikolu 13), fejn tiġi eżaminata (Artikolu 14) u sussegwentement reġistrata jew miċħuda mill-Istat Membru tar-residenza b’konsultazzjoni mas-CESR (Artikolu 15). Hemm ukoll dispożizzjonijiet għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ladarba s-CRA ma tibqax tikkonforma (Artikolu 17). Is-CRAs għandhom japplikaw għar-reġistrazzjoni fi żmien sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ ir-Regolament (Artikolu 35).

3.4.   L-Artikolu 20 jiddeskrivi l-poteri tal-awtoritajiet kompetenti. Dawn m’għandhomx permess jintervjenu fil-kontenut tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu, dawn:

jista’ jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma u jistgħu jirċievu jew jieħdu kopja tagħha;

jistgħu jitolbu informazzjoni minn kwalunkwe persuna u fejn hemm bżonn isejħu u jinterrogaw persuna bil-għan li jiksbu informazzjoni;

jistgħu jwettqu spezzjonijiet fuq il-post bi ftehim minn qabel jew għal għarrieda;

jistgħu jirrikjedu rekord taċ-ċirkulazzjoni telefonika jew tal-informazzjoni.

3.5.   L-Artikolu 21 jagħti ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta’ sorveljanza li għandhom aċċess għalihom l-awtoritajiet kompetenti. Dawn jinkludu t-tneħħija ta’ reġistrazzjoni, il-projbizzjoni temporanja tal-ħruġ ta’ klassifikazzjoni, is-sospensjoni tal-użu tal-klassifikazzjoni tas-CRA, in-notifika pubblika dwar ksur ta’ regolamenti u l-bidu ta’ proċeduri kriminali.

3.6.   L-Artikoli 22 sa 28 jagħtu d-dettalji tad-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti bil-għan li r-reġistrazzjoni u s-sorveljanza jkunu effettivi fis-suq intern kollu. L-Artikoli 29 u 30 jinkludu dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

3.7.   L-Artikolu 31 jittratta l-penali li għandhom jiġu imposti mill-awtoritajiet kompetenti. Dan l-artikolu jistipula li, bħala minimu, il-penali għandhom japplikaw għall-każijiet ta’ kondotta professjonali ħażina ħafna u nuqqas ta’ diliġenza dovuta. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-indipendenza u l-evitar tal-kunflitti ta’ interess

3.8.   L-Artikolu 5(1) jistipula li CRA għandha tiżgura li l-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ma jintlaqat minn l-ebda kunflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali. It-Taqsimiet A (ħtiġiet tal-organizzazzjoni) u B (Ħtiġiet operazzjonali) tal-Anness 1 tar-Regolament jirrikjedu kontrolli sinifikanti.

3.9.   Mil-lat tal-organizzazzjoni, ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn il-bord prinċipali jew tas-sorveljanza. Għaldaqstant, l-istaff fil-livelli għolja tal-management għandhom ikunu ta’ reputazzjoni tajba. Għandu jkun hemm talinqas tliet NEDs (diretturi indipendenti mhux eżekuttivi). Il-ħlas tagħhom ma jkollux x’jaqsam mal-prestazzjoni tal-intrapriża. Il-mandat għandu jkun fiss u ma jkunx jista’ jiġġedded wara ħames snin. Il-ħatra ma tistax tiġġedded u hemm limiti fuq it-tkeċċija matul il-perijodu tal-mandat. Kull membru tal-bord għandu jkollu esperjenza rilevanti u talinqas wieħed mill-NEDs għandu jkollu għarfien fil-fond dwar is-swieq tat-titoli strutturati.

3.10.   L-NEDs għandhom ikunu responsabbli speċifikament għas-superviżjoni tal-politika u l-proċess tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-evitar tal-kunflitti ta’ interess. Il-politiki u l-proċeduri għandhom jikkonformaw mar-Regolament. L-NEDs għandhom iressqu opinjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet fuq bażi perijodika quddiem il-bord u lill-awtorità kompetenti kif jintalbu. Sabiex l-NEDs ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv is-sistema tal-klassifikazzjoni għandha tiġi stabbilita b’mod xieraq, għandha tkun appoġġjata minn kontrolli interni u għandha tkun soġġetta għal analiżi indipendenti.

3.11.   Mil-lat operazzjonali, is-CRA għandha tidentifika u telimina jew, fejn hu xieraq, timmaniġġja u tiżvela kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali. Il-kunflitti personali u korporattivi huma ċari. Pereżempju, CRA m’għandhiex tipprovdi servizzi ta’ konsulenza jew ta’ parir lill-entità kklassifikata dwar l-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, l-obbligi jew l-attivitajiet tal-entità kklassifikata jew xi parti terza relatata. Bl-istess mod, CRA għandha tiżgura li l-analisti ma jagħmlux proposti jew rakkomandazzjonijiet, la formali u lanqas informali, rigward id-disinn tal-istrumenti finanzjarji strutturati li jkunu qed jistennew klassifikazzjoni mill-istess CRA.

3.12.   CRA għandha żżomm rekords u sekwenzi tal-verifika tal-attivitajiet kollha tagħha, inklużi rekords ta’ ftehim tekniku ma’ entitajiet ikklassifikati. Rekords ta’ dan it-tip għandhom jinżammu u jkunu disponibbli għall-awtorità kompetenti meta titlobha.

L-impjegati

3.13.   L-Artikolu 6 jesiġi li l-impjegati involuti fi klassifikazzjoni jkollhom għarfien u esperjenza xierqa, li ma jkunux involuti f’negozjati kummerċjali ma’ entitajiet klassifikati, li m’għandhom ikunu ħadmu mal-ebda entità għal inqas minn sentejn jew iktar minn erba’ snin u li l-kumpens tagħhom m’għandux ikun marbut mad-dħul mill-entitajiet klassifikati li jkunu responsabbli għalihom.

3.14.   It-Taqsima C tal-Anness 1 tiċċara r-regoli addizzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-impjegati. Dawn jipprojbixxu l-analisti jew partijiet terzi milli jkollhom jew jinnegozjaw strumenti finanzjarji ta’ kwalunkwe entità li jkunu responsabbli għalihom jew milli jitolbu rigali jew pjaċiri mill-entità. Dispożizzjonijiet oħrajn għandhom x’jaqsmu mal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-informazzjoni.

3.15.   Hemm żewġ dispożizzjonijiet relatati mal-impjieg sussegwenti ta’ analista ma’ entità li tkun ħadmet fuq il-klassifikazzjoni tagħha. Hemm ukoll id-dispożizzjoni li meta analista jmur ma’ entità klassifikata, ix-xogħol relatat li jkun għamel l-analista matul is-sentejn ta’ qabel għandu jiġi eżaminat.

Il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni

3.16.   L-Artikolu 7 jeħtieġ li s-CRA għandha tiżvela lill-pubbliku l-metodoloġiji, il-mudelli u l-ipoteżijiet prinċipali li tuża. Din għandha tadotta kull miżura neċessarja sabiex l-informazzjoni li tuża fl-allokazzjoni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tkun ta’ kwalità suffiċjenti u b’sorsi affidabbli.

3.17.   CRA għandha timmonitorja l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fejn hemm bżonn għandha tanalizza mill-ġdid il-klassifikazzjoni tagħha tal-kreditu. Meta jinbidlu l-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, il-mudelli jew l-ipoteżijiet prinċipali tal-klassifikazzjoni, CRA għandha tieħu azzjoni immedjata biex tikkomunika l-effett potenzjali, tanalizza mill-ġdid il-klassifikazzjonijiet effettwati u terġa’ tikklassifikahom mill-ġdid.

L-iżvelar u l-preżentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

3.18.   L-Artikolu 8 jistipula li CRA għandha tiżvela kull klassifikazzjoni tal-kreditu, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni biex twaqqaf klassifikazzjoni tal-kreditu fuq bażi mhux selettiva u f’perijodu xieraq.

3.19.   It-Taqsima D tal-Anness 1 jeħtieġ li s-CRA tiżvela:

jekk il-klassifikazzjoni ġietx żvelata lill-entità klassifikata qabel ma nxterdet, u jekk dan hu l-każ, jekk ġietx emendata wara l-iżvelar;

il-metodoloġija/i prinċipali li jkunu ntużaw biex tiġi determinata l-klassifikazzjoni;

it-tifsira ta’ kull kategorija ta’ klassifikazzjoni;

id-data tal-klassifikazzjoni meta ħarġet l-ewwel darba u d-data meta ġiet aġġornata l-aħħar.

Is-CRA għandha wkoll tistqarr b’mod ċar kull attribut jew limitazzjoni rilevanti dwar il-klassifikazzjoni, speċjalment rigward il-kwalità tal-informazzjoni disponibbli u l-verifika tagħha.

3.20.   F’każ fejn in-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli jew il-kumplessità tal-istruttura ta’ strument ġdid jew il-kwalità tal-informazzjoni disponibbli ma jkunux sodisfaċenti jew jqajmu dubji serji dwar jekk CRA tistax tipprovdi klassifikazzjoni kredibbli tal-kreditu, is-CRA għandha żżomm lura milli toħroġ klassifikazzjoni tal-kreditu jew għandha tneħħi klassifikazzjoni eżistenti.

3.21.   Meta tħabbar klassifikazzjoni tal-kreditu, is-CRA għandha tispjega l-elementi prinċipali involuti. B’mod partikulari, meta jiġi klassifikat strument strutturat, is-CRA għandha tipprovdi informazzjoni dwar it-telf u l-analiżi li tkun għamlet tal-cash flow.

3.22.   B’żieda ma’ dan, għall-istrumenti finanzjarji strutturati, is-CRA għandha tispjega l-analiżi tagħha dwar id-diliġenza dovuta fuq l-assi bażi (bħal ktieb tal-ipoteki tat-tip subprime). Jekk kienet tiddependi fuq analiżi ta’ parti terza, għandha tiżvela kif ir-riżultat ta’ din l-analiżi laqtet il-klassifikazzjoni.

3.23.   L-Artikolu 8 jittratta wkoll it-tħassib li l-klassifikazzjoni għall-istrumenti finanzjarji strutturati mhumiex komparabbli mal-klassifikazzjonijiet għall-istrumenti konvenzjonali tad-dejn. Għalhekk, is-CRAs għandhom jew jadottaw simboli differenti u jabbandunaw l-alfabett familjari, jew bħala alternattiva, jehmżu spjegazzjoni dettaljata tal-metodoloġija differenti tal-klassifikazzjoni għal dawn l-istrumenti u l-mod li bihom il-profil tar-riskju huwa differenti minn strumenti konvenzjonali.

Żvelar ġenerali u perijodiku

3.24.   Id-dettalji tal-iżvelar mitlub fl-Artikoli 9 u 10 jinsabu fit-Taqsima E tal-Anness 1. L-iżvelar ġenerali jrid ikun dejjem disponibbli pubblikament u aġġornat. L-ispeċifiċitajiet huma relatati mal-iktar elementi regolatorji importanti bħall-kunflitti tal-interess, il-politika tal-iżvelar, l-arranġamenti għall-kumpens, il-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, il-mudelli u l-ipoteżijiet prinċipali, il-bidliet li jsiru fil-politiki u fil-proċeduri, eċċ.

3.25.   L-iżvelar perijodiku jinkludi informazzjoni dwar ir-rata ta’ nuqqas ta’ ħlas (default rate) kull sitt xhur u informazzjoni dwar il-klijenti fuq bażi annwali.

3.26.   Barra minn hekk, jinħtieġ rapport dwar it-Trasparenza. Dan għandu jinkludi dettalji dwar l-istruttura legali u s-sjieda tas-CRA, deskrizzjoni tas-sistema tal-kontroll intern tal-kwalità, statistika dwar l-allokazzjoni tal-persunal, dettalji dwar il-politika taż-żamma tar-rekords, ir-riżultat tal-analiżi interna annwali dwar il-konformità mal-indipendenza, deskrizzjoni tal-politika tar-rotazzjoni tal-persunal bejn il-klijenti, informazzjoni dwar is-sorsi tad-dħul u stqarrija dwar il-gvernanza.

4.   Il-perspettiva tal-KESE

4.1.   Is-CRAs jokkupaw pożizzjoni privileġġjata fl-industrija tas-servizzi finanzjarji billi l-entitajiet regolati fl-industrija jrid ikollhom titoli ta’ livell ta’ investiment. L-awtoritajiet miż-żewġ naħat tal-Atlantiku għażlu li jirrikonoxxu ftit li xejn CRAs għal finijiet regolatorji. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-proċess il-ġdid tar-reġistrazzjoni biex tiftaħ l-industrija tal-klassifikazzjoni għal CRAs ġodda billi tiffavorixxi l-ħolqien ta’ aġenżija Ewropea indipendenti u biex tikteb mill-ġdid ir-regolamentazzjoni finanzjarja biex tirrikonoxxi għal finijiet regolatorji klassifikazzjoni minn kull CRA reġistrata fl-UE.

4.2.   Ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji kienet l-isforz prinċipali tal-oligopolju tas-CRA minħabba d-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet għar-riżervi kapitali. Il-KESE jħeġġeġ lir-regolaturi tal-UE biex ma jserrħux iżżejjed fuq il-klassifikazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-esperjenza ta’ dan l-aħħar fejn ċerti klassifiki nstabu li ma kellhom l-ebda valur.

4.3.   Barra minn hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tar-rinunzji tas-CRAs. Tipikament dawn jistqarru li “kull utent tal-informazzjoni li tinstab hawn ġew m’għandux jiddependi fuq kwalunkwe klassifikazzjoni tal-kreditu jew fuq kwalunkwe opinjoni oħra li tinstab hawn ġew meta jiġu biex jieħdu deċiżjoni”. L-argument li l-klassifikazzjoni hija sempliċement opinjoni u li mhux ta’ min iserraħ fuqha jwaqqa’ għaċ-ċajt il-kunċett tal-kapital regolatorju, kif intwera mill-kriżi attwali. Ir-regolament il-ġdid għandu jinkludi l-ħtieġa li s-CRAs jappoġġjaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom.

4.4.   Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta li s-CRAs għandhom ikunu entità legali stabbilita fil-Komunità u li l-Istat Membru tas-sede għandu jkun ir-regolatur. Madankollu, il-KESE mhux neċessarjament jirrifjuta a priori l-idea tal-ħolqien ta’ awtorità ġdida ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE jekk jirriżulta li l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ma jkunux sodisfaċenti.

4.5.   Il-KESE huwa ferm kuntent li r-regolament propost jista’ jkun verament effettiv kif inhu ċċarat fl-Artikoli 21 u 31 (il-punti 3.5 u 3.7 hawn fuq). In-nuqqas ta’ sanzjonijiet bħal dawn kien sors ta’ kritika kbira tar-regolamenti komparabbli tal-Istati Uniti. Huwa importanti li l-penali jiġu applikati bl-istess entużjażmu fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jemmen li dan għandu jiġi koordinat mill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR).

4.6.   Ir-regolamenti proposti għall-organizzazzjoni u l-operazzjoni huma tajbin. Il-ħtieġa li għandhom jinħatru tliet diretturi indipendenti mhux eżekuttivi tikkonforma mal-kodiċi ta’ gvernanza korporattiva adottata fir-Renju Unit u f’postijiet oħra. Fil-livell tal-organizzazzjoni hemm dipendenza konsiderevoli fuq ir-rwol tad-diretturi indipendenti mhux eżekuttivi. Il-kondotta u l-prestazzjoni tagħhom ser tiddetermina s-suċċess tar-regoli tal-organizzazzjoni. Il-KESE jemmen li għandu jkun obbligatorju li kull ħatra mhux eżekuttiva tirċievi approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti. Fil-kuntest propost, din l-approvazzjoni hija indispensabbli.

4.7.   Fimalac SA għandu sehem ta’ 80 % ta’ Fitch u Marc de Lacharriere għandu sehem ta’ 73 % ta’ Fimalac SA. S&P hija parti mill-grupp ta’ kumpaniji ta’ McGraw Hill. Sas-sena 2000 Moody’s kienet parti mill-grupp Dun and Bradstreet. L-evidenza tal-investigazzjoni tal-FT tissuġġerixxi li wara s-sena 2000 il-professjonaliżmu storiku ta’ Moody’s seta’ ġie kompromess mill-imperattivi tas-suq tal-ishma. Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex bħala parti mis-sorveljanza tal-organizzazzjoni, josservaw mill-qrib ir-rabta bejn l-industrija tal-klassifikazzjoni u l-istennijiet tal-azzjonisti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istruttura tal-bonusijiet għall-prestazzjoni eżekuttiva.

4.8.   Fil-livell tal-operazzjoni, il-projbizzjonijiet dettaljati fil-paragrafu 3.11 imsemmija hawn fuq huma ċentrali għall-kontroll u l-evitar tal-iktar elementi importanti fil-kunflitti tal-interess li ġew osservati. CRA m’għadhiex tista’ tikklassifika ftehim li tkun tat parir dwaru.

4.9.   Ir-regoli dwar l-impjegati huma mfassla wkoll biex jiġu eliminati l-kunflitti ta’ interess. Kif ġara fil-każ tal-awdituri esterni, hemm limiti għall-perijodu ta’ żmien li analista jista’ jkun assoċjat ma’ klijent partikulari, għalkemm il-limitu ta’ erba’ snin jista’ jiżdied għal ħamsa. Kif ġara wkoll fil-każ tal-awdituri u l-oqsma kollha tal-industrija tas-servizzi finanzjarji, jista’ jkun li l-analisti ma jkollhomx interess fl-istokkijiet u l-ishma tal-klijenti. Il-KESE bi pjaċir jinnota li dawn ir-regoli għaqlin issa ser jiġu rispettati mis-CRAs.

4.10.   Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7. Huwa ser jindirizza l-abbużi ċari li nstabu mill-investigazzjoni tal-SEC. Il-pubblikazzjoni tal-metodoloġiji ser joħorġu fid-dieher jekk il-klassifikazzjonijiet sarux bis-saħħa ta’ “shortcuts” jew ħrib. B’żieda ma’ dan is-CRA issa hi marbuta li tiċċekkja s-sorsi tagħha tal-informazzjoni u tiżgura li huma tajbin biżżejjed biex iwasslu għal klassifikazzjoni. Barra minn hekk, huwa daqstant importanti li jiġi rikonoxxut li r-regoli dwar metodoloġiji u ipoteżijiet li qed jinbidlu, li kieku kienu fis-seħħ, setgħu jixħtu d-dawl fuq l-iżbalji tal-klassifikazzjoni tal-RMBS ħafna snin qabel l-2007. Il-KESE jipproponi li l-konformità mal-Artikolu 7 tiġi monitorjata strettament u, fejn hemm bżonn, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jissaħħu.

4.11.   L-Artikolu 8 jagħlaq iċ-ċiklu billi jeħtieġ l-iżvelar tal-mod li bih is-CRA applika għal kull ftehim ir-regoli dettaljati fl-Artikolu 7. Il-KESE jinnota bi pjaċir partikolari li l-UE ser tmur lil hinn mill-Istati Uniti fil-kamp tal-prodotti strutturati, billi teħtieġ li, b’mod jew ieħor, l-elementi potenzjalment tossiċi ta’ dawn il-prodotti jiġu enfasizzati.

4.12.   L-oġġezzjonijiet kontra sensiela separata ta’ simboli ta’ klassifikazzjoni jiffokaw fuq kemm hu possibbli li wara li tbaxxew ammont kbir ta’ klassifikazzjonijiet, il-bonds li jġorru din in-notazzjoni distinta jistgħu jiġu kkunsidrati bħala investimenti ta’ grad baxx. Fil-fehma tal-KESE, din ma tkunx ħaġa ħażina sakemm terġa’ tiġi stabbilita r-reputazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ bonds bħal dawn.

4.13.   Il-ħidma tal-COREPER enfasizzat il-fatt li r-regolament propost ma jittrattax b’mod speċifiku l-klassifikazzjonijiet żviluppati f’pajjiżi terzi. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-COREPER li klassifikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jintużaw għal finijiet regolatorji fl-UE meta jkunu approvati minn CRA li diġà tkun reġistrata fl-UE sakemm:

iż-żewġ aġenziji involuti jagħmlu parti mill-istess grupp;

l-aġenzija li ma tagħmilx parti mill-UE tirrispetta obbligi simili għar-regolamenti tal-UE;

ikun hemm raġuni oġġettiva għall-ħruġ ta’ klassifikazzjoni minn pajjiż terz;

tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

4.14.   L-iżvelar varju kemm għall-finijiet regolatorji kif ukoll biex jinforma lis-suq jidher tajjeb, forsi b’żewġ kundizzjonijiet.

ir-rati tan-nuqqas ta’ ħlas lura (default rates) huma importanti għax jipprovdu miżura tal-kwalità jew in-nuqqas ta’ kwalità tal-attività tal-klassifikazzjoni ta’ kull CRA. Fl-Istati Uniti l-ħtiġiet huma speċifiċi: li s-CRAs jippubblikaw statistika dwar il-prestazzjoni għal sena, tliet snin u għaxar snin f’kull kategorija ta’ klassifikazzjoni sabiex ikun ċar kemm il-klassifikazzjonijiet tagħhom ikunu bassru n-nuqqas ta’ ħlas lura (defaults). Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjoni fir-regolament tal-UE tkun pjuttost speċifika fuq dan il-punt.

hemm ħtieġa wkoll li jiġu identifikati l-klijenti li jirrappreżentaw iktar minn 5 % tal-bejgħ. Jista’ jkun li dan il-limitu huwa baxx wisq. Il-KESE jitlob li tingħata iktar kunsiderazzjoni mis-CESR.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/125


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali”

(COM(2008) 545 finali)

(Opinjoni addizzjonali)

(2009/C 277/26)

Rapporteur: is-Sur NIELSEN

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni addizzjonali dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali.

(COM(2008) 545 finali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Nielsen.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’189 vot favur, 2 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjoni

1.1.   Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Saħħa tal-Annimali, u jinsab kuntent li l-Kummissjoni ħadet il-pariri li ta/qieset/ikkunsidrat b’mod ġenerali l-kummenti tal-KESE meta kienet tressqet il-proposta għal strateġija ġdida. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu lill-UE biex iżżid il-ħidma tagħha biex tippreveni, tissorvelja u tikkontrolla mard serju li jittieħed tal-annimali, li ħafna minnu għadu joħloq riskju globali. Għalhekk il-KESE jkompli jittama li r-regoli futuri tal-UE jagħtu kemm jista’ jkun eżempju lill-bqija tad-dinja. Il-Kummissjoni għandha tgħin ukoll biex ikun hemm fehim ċar tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE fil-pajjiżi terzi kkonċernati, u tuża l-għarfien u r-riżorsi fl-Istati Membri biex issolvi l-kriżijiet. Fl-istess ħin, għandha tiżdied il-ħidma fir-rigward ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għandha tingħata prijorità għat-tfassil ta’ indikaturi minħabba l-importanza fundamentali tagħhom. Huwa wkoll importanti li l-fond veterinarju jiġi ppreservat u li l-kofinanzjar tal-Istati Membri jiġi armonizzat sabiex jiġi evitat it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni.

2.   Sfond

2.1.   Fl-2007, il-KESE wera appoġġ għall-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-perjodu 2007-2013 (1). Il-pjan ta’ azzjoni preżenti jagħti espressjoni prattika lill-istrateġija u joffri skeda għall-31 inizjattiva dettaljata (2) li għandhom jiġu implimentati sal-2013 fl-erba’ oqsma ta’ attività (prijoritizzazzjoni, qafas leġiżlattiv, prevenzjoni u riċerka). L-aktar elementi importanti huma liġi ġdida tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali, u r-reviżjoni tal-qsim tal-ispejjeż u r-responsabbiltà. Fost l-elementi l-oħra nsibu x-xewqa dejjiema tal-UE li ssir membru tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), miżuri kontra x-xkiel marbut mas-saħħa li jeżisti għall-esportazzjoni, il-kategorizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ riskji ġejjin minn mard tal-annimali u ta’ riskji kimiċi, linji gwidi dwar il-bijosigurtà fost l-annimali u fil-fruntieri, l-iżvilupp ta’ sistemi elettroniċi ta’ informazzjoni, it-tisħiħ tal-banek meħtieġa tal-antiġene u tat-tilqim tal-UE, l-iżvilupp ta’ mediċini u tilqim ġdid, u l-kontroll tar-reżistenza tal-aġenti żoonotiċi għall-antibijotiċi. L-għan ġenerali huwa li l-leġiżlazzjoni eżistenti u dik ġdida tiġi mtejba u ssemplifikata, u li jinħolqu regoli aktar effettivi. B’hekk il-Kummissjoni tixtieq tevalwa l-proposti individwali u tqis alternattivi possibbli għal leġiżlazzjoni aħjar u aktar sempliċi.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1.   Il-pjan ta’ azzjoni huwa rilevanti u maħsub sewwa, u l-KESE jinsab sodisfatt bil-livell għoli ta’ ftuħ u rieda għall-koperazzjoni li deher fil-proċesss’issa, inkluża l-attenzjoni li tat il-Kummissjoni lill-kummenti tal-KESE. Issa jeħtieġ li jsir progress fid-deskrizzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-oqsma koperti mill-pjan ta’ azzjoni. Dan għandu jiġi bbażat fuq tqabbil tar-riskji li joħloq il-mard għas-saħħa tal-bniedem, it-tbatija li jġarrbu l-annimali, u l-impatt ekonomiku fuq il-produtturi u n-negozji.

3.2.   Kif diġà qal il-KESE, huwa importanti għall-kredibilità tal-UE li l-istituzzjoni u l-Istati Membri tagħha jirrispettaw l-iskadenzi li għamlu huma stess għat-tressiq, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi. B’xorti ħażina, bħalissa din hija iktar l-eċċezzjoni milli r-regola. Għalhekk huwa importanti li l-Kummissjoni tistabbilixxi skadenzi realistiċi għat-tressiq tal-proposti u r-rapporti tagħha, u li tirrispetta dawn l-iskadenzi fil-prattika.

3.3.   Fil-każ tal-iskadenzi għall-miżuri individwali, għandu wkoll jiġi ċċarat li l-“iskeda indikattiva” għall-inizjattivi leġiżlattivi u d-“data għat-tlestija” jirreferu għat-tressiq tal-proposti u mhux għad-deċiżjoni finali, li ser titlob proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li jieħu ż-żmien. L-istqarrija li l-azzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament xieraq tal-annimali li jissemmew fil-pjan ta’ azzjoni tal-2006 (3) u li issa huma parti integrali tal-Istrateġija għas-Saħħa tal-Annimali mhijiex partikolarment ċara, peress li ż-żmien mogħti għal ħafna minn dawn il-miżuri kien diġà nqabeż ftit wara li tressaq il-pjan ta’ azzjoni.

3.4.   Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri individwali jwasslu għal livell ogħla ta’ protezzjoni u jsiru aktar effettivi. Għalhekk għandhom jiġu implimentati b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fid-dawl tal-isforzi biex jinħoloq qafas regolatorju aħjar u aktar sempliċi. Huwa wkoll importanti li s-segwitu għall-istrateġija għas-saħħa tal-annimali jsir b’koperazzjoni miftuħa mal-Istati Membri u l-atturi interessati, fost l-oħrajn bl-għajnuna ta’ pjan ta’ komunikazzjoni u l-Kumitat Konsultattiv għas-Saħħa tal-Annimali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Il-KESE jappoġġja l-għan ġenerali li jinħoloq qafas regolatorju li jiddeċiedi l-prinċipji u r-rekwiżiti komuni għas-saħħa tal-annimali u jindika kull irbit mal-leġiżlazzjoni li teżisti dwar it-trattament xieraq tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel, is-saħħa pubblika u l-politika agrikola. Il-passi li huma ppjanati biex il-leġiżlazzjoni tiġi mtejba u semplifikata ser jgħinu wkoll biex dan il-qasam ta’ politika jsir aktar konsistenti u miftuħ. Madankollu, dan jitlob ukoll approċċ intersettorjali u li jitqiesu r-rekwiżiti għas-sigurtà tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u l-prevenzjoni tal-mard. Huwa importanti li nużaw bl-aħjar mod is-sinerġiji f’dawn l-oqsma u, kull fejn huwa xieraq, it-trattament xieraq tal-annimali għandu jiġi integrat aktar fil-politika tas-saħħa tal-annimali milli kien integrat s’issa.

4.2.   Il-kategorizzazzjoni proposta tal-mard tal-annimali u d-definizzjoni tal-livell ta’ riskju aċċettabbli jippreżentaw sfidi kbar għall-koperazzjoni. Bażikament, kull kategorizzazzjoni għandu jkollha bażi xjentifika, jiġifieri l-mard għandu jiġi kkategorizzat b’konformità ma’ fatturi epidemjoloġiċi u l-ambitu għas-sorveljanza. Fl-istess ħin, irridu inqisu wkoll l-impatt ekonomiku u kummerċjali tal-mard.

4.3.   Skont il-pjan ta’ azzjoni, l-inizjattivi u r-riżorsi ser “jiġu ffokati fuq il-mard b’rilevanza għolja għall-pubbliku”. Din l-istqarrija ovvjament tirreferi għall-mard li huwa ta’ theddida għas-saħħa tal-bniedem. Madankollu, it-terminu “rilevanza għall-pubbliku” u l-ispejjeż marbuta għandhom ikopru wkoll il-mard li għandu konsegwenzi ekonomiċi serji għas-settur u għaldaqstant għall-ekonomiji tal-Istati Membriwkoll.

4.4.   Meta tiġi semplifikata jew riveduta l-leġiżlazzjoni eżistenti, huwa importanti wkoll li tiġi mfittxa aktar konverġenza bejn ir-regoli tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet tal-OIE. Jeħtieġ li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux xierqa għall-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u fir-rigward ta’ pajjiżi terzi. Meta titfassal leġiżlazzjoni ġdida veterinarja jew dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-UE għalhekk trid taħdem biex tiżgura li r-regoli tagħha jkunu jinftiehmu mill-ewwel mill-pajjiżi terzi u biex ikunu armonizzati kemm jista’ jkun.

4.5.   Il-mudell effettiv u responsabbli ta’ qsim tal-ispejjeż li tixtieq il-Kummissjoni għandu jkompli jiġi bbażat fuq fondi konġunti mill-UE u l-Istati Membri, iżda għandu wkoll iqis ir-responsabbiltà tas-settur stess u l-ispejjeż attwali tal-prevenzjoni u l-kura tal-mard. Għaldaqstant, il-kontribut tal-UE għall-iffinanzjar permezz tal-fond veterinarju għandu jinżamm, iżda s-sehem ta’ kofinanzjar tal-Istati Membri għandu jiġi armonizzat biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta minħabba differenzi fis-sehem tal-iffinanzjar pubbliku u dak privat. L-ispejjeż diretti u indiretti għandhom ikunu rimborżabbli biex, ikun x’ikun il-każ, l-inċentiv li jiġi rappurtat il-bidu ta’ mard serju li jittieħed jinżamm fl-Istrateġija futura għas-Saħħa tal-Annimali. Kif qalet il-Kummissjoni, ser ikun ukoll meħtieġ li ssir analiżi fil-fond tal-possibilitajiet eżistenti qabel ma jitressqu proposti għal mudell armonizzat ta’ qsim tal-ispejjeż.

4.6.   Is-settur tal-għalf huwa ta’ importanza kbira għas-saħħa tal-annimali peress li l-użu korrett tal-għalf huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-mard. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li għalihom il-proposta tintroduċi garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf. Jidher li l-konklużjonijiet fir-rapport dwar il-garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf ma tqisux (4).

4.7.   Kif semma l-KESE qabel, biex il-pubbliku jaċċetta dan il-fatt aktar, fost l-oħrajn it-tilqim għandu jintuża b’rabta mal-ġlieda kontra l-mard, jekk permezz ta’ dan ikun possibbli li wieħed jevita jew jissupplimenta l-qtil ta’ annimali b’saħħithom. Madankollu, il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li t-tilqim għandu jittieħed skont is-sitwazzjoni partikolari u jkun ibbażat fuq prinċipji u fatturi rikonoxxuti, bħad-disponibbiltà u l-effiċjenza tat-tilqima, il-validità tat-testijiet, il-linji gwida internazzjonali u x-xkiel li jista’ jinħoloq għall-kummerċ, ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-effettività, u r-riskji li jistgħu jkunu marbuta mat-tilqim.

4.8.   F’dan il-qasam hemm bżonn ta’ aktar riċerka u żvilupp. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tagħmel il-politika tat-tilqim tal-UE aktar faċli biex tinftiehem barra mill-fruntieri tal-UE biex jonqos l-għadd ta’ każijiet dubbjużi li jinqalgħu matul l-esportazzjoni.

4.9.   S’issa kien f’idejn l-Istati Membri individwali u l-pajjiżi terzi rilevanti li jsibu soluzzjonijiet għall-kriżijiet gravi, u huwa vitali li, anki fil-futur, il-problemi jkomplu jissolvew b’mod konġunt mill-imsieħba involuti. Il-qsim attwali tar-responsabbiltajiet ħadem tajjeb. Għal din ir-raġuni, għandu jinżamm id-dritt individwali li jintlaħaq ftehim, dejjem sakemm il-Kummissjoni tinżamm infurmata.

4.10.   Illum, f’ħafna rziezet, ittieħdu għadd ta’ miżuri li jinvolvu taħlita ta’ azzjoni speċifika, prattika ta’ rutina u sens komuni ġenerali. Tinħoloq inċertezza legali konsiderevoli kieku dawn il-miżuri preventivi volontarji, li s-soltu jittieħdu fuq l-inizjattiva tal-produtturi jew minħabba l-parir mogħti minn għaqdiet agrikoli, kellhom jittieħdu bħala parti minn passi biex jinħoloq mudell ta’ qsim tal-ispejjeż.

4.11.   Anki jekk għall-bidu jidher xieraq li jiġi evalwat jekk il-produtturi li jrabbu l-bhejjem jkunux dejjem għamlu biżżejjed biex jipprevenu l-introduzzjoni u t-tixrid ta’ mard li jittieħed, l-użu ta’ valutazzjoni bħal din bħala l-bażi għal deċiżjoni dwar kumpens finanzjarju jqajjem il-problemi. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatt ta’ azzjoni preventiva bħal din fuq it-tipi differenti ta’ bhejjem bħalissa jagħmilha tassew diffiċli biex dawn ir-regoli jiġu applikati fil-prattika. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm aktar riċerka u żvilupp biex jiġu studjati l-possibilitajiet li jeżistu u kemm jistgħu jiġu applikati fil-prattika.

4.12.   Jeħtieġ li r-regoli bażiċi dwar il-bijosigurtà jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, li iktar tard tista’ tiġi supplimentata b’aktar regoli speċifiċi fl-għamla ta’ linji gwida għal tipi differenti ta’ bhejjem jew forom ta’ produzzjoni (pereżempju, dawk li huma bdiewa bħala delizzju). Barra minn hekk, hemm bżonn li tibqa’ tingħata informazzjoni fl-ambitu tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-għaqdiet agrikoli.

4.13.   Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-għoti ta’ pariri huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija. Ħafna riċerka hija ta’ valur biss ladarba tintuża fil-produzzjoni, il-pariri u l-kontroll. Għalhekk it-trasferiment tal-għarfien huwa qasam importanti ta’ azzjoni. L-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka għalhekk ma jirnexxilhiex tikkonċentra biżżejjed fuq il-prevenzjoni bbażata fuq inizjattivi li ma jinvolvux mediċina veterinarja. Għalhekk l-għaqdiet ta’ min irabbi l-bhejjem għandhom ikunu involuti fil-ħidma biex jinsabu soluzzjonijiet aktar bis-sħiħ milli jidher li għandha f’moħħha l-Kummissjoni.

4.14.   F’għadd kbir ta’ Stati Membri, hemm riskju dejjem akbar li l-istandards ser jiġu stabbiliti fil-livell tal-aktar denominatur komuni baxx. Stati Membri individwali li jixtiequ jkomplu mexjin ’il quddiem, għandhom jitħallew jagħmlu dan, dejjem sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tal-Komunità. B’dan, tinkiseb l-esperjenza, li tkun tista’ tintuża aktar tard fi Stati Membri oħrajn. Pereżempju, il-Kummissjoni mhux qed tippjana li tressaq proposta dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-ifrat minflok it-tikketti mal-widnejn sal-2011. Dan ser jiġi segwit bi proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jieħu ż-żmien. Minħabba l-vantaġġi ovvji tal-identifikazzjoni elettronika f’dak li għandu x’jaqsam ma’ inqas xogħol fuq l-irziezet, reġistrazzjoni aħjar ta’ bhejjem trattati, u b’hekk analiżi aktar effettiva u sigurtà akbar tal-prodott, għandha tkun possibbli introduzzjoni aktar malajr ta’ din is-sistema.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-2007 dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”, u l-Opinjoni tal-KESE tas-16 ta’ Jannar 2008, ĠU C 151, 17.6.2008.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (2008) 545 li fiha 21 inizjattiva. Madankollu, l-ippjanar intern tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq 31 inizjattiva. Ara http://ec.europa.eu/food/animal/diseases/strategy/pillars/action_en.htm

(3)  COM(2006) 13 - Pjan ta’ Azzjoni Komunitarja dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2006-2010, u l-opinjoni tal-KESE tas-26 ta’ Ottubru 2006, ĠU C 324, 30.12.2006.

(4)  Appendiċi għal COM(2007) 469 dwar il-garanziji finanzjarji fis-settur tal-għalf u d-deskrizzjoni tal-arranġamenti eżistenti.