ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.228.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 228

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
22 ta' Settembru 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

452 sessjoni plenarja tal-KTR l-24 u s-25 ta' Marzu 2009

2009/C 228/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rwol tal-foresti u s-settur tal-foresterija fil-ksib tal-miri tal-UE fil-qasam tal-bidla fil-klima (Opinjoni esploratorja)

1

2009/C 228/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem (opinjoni esploratorja)

9

2009/C 228/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol (opinjoni esploratorja)

14

2009/C 228/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età fil-konfront tal-bidla industrijali – nipprovdu mekkaniżmi ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tad-diversità tal-età fis-setturi u l-kumpaniji (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

24

2009/C 228/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet trans-Atlantiċi: kif għandha tittejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

32

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

452 sessjoni plenarja tal-KTR l-24 u s-25 ta' Marzu 2009

2009/C 228/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

40

2009/C 228/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2007

47

2009/C 228/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar id-drittijiet tal-awtur fl-ekonomija tal-għarfien

52

2009/C 228/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv

56

2009/C 228/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

62

2009/C 228/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità

66

2009/C 228/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

69

2009/C 228/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju għall-appoġġ ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika

75

2009/C 228/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

78

2009/C 228/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

81

2009/C 228/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija

84

2009/C 228/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (riformulazzjoni)

90

2009/C 228/18

Opinjoni al-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dar il-Proposta għal Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II)

95

2009/C 228/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv ma’ nies professjonisti minn pajjiżi terzi msejjaħ MEDIA Mundus

100

2009/C 228/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

103

2009/C 228/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom u li tirrevoka d-Direttiva 86/613/KEE

107

2009/C 228/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-ħarsien minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

113

2009/C 228/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – UEM@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja

116

2009/C 228/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali Nibdlu d-diversità territorjali f’vantaġġi

123

2009/C 228/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ dazju tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

130

2009/C 228/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013

141

2009/C 228/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

148

2009/C 228/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (opinjoni addizzjonali)

149

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

452 sessjoni plenarja tal-KTR l-24 u s-25 ta' Marzu 2009

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rwol tal-foresti u s-settur tal-foresterija fil-ksib tal-miri tal-UE fil-qasam tal-bidla fil-klima (Opinjoni esploratorja)

2009/C 228/01

Nhar l-20 ta’ Ġunju 2008, il-Viċi President tal-Kummissjoni, Margot WALLSTRÖM, kitbet lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-Sur Dimitris DIMITRIADIS, sabiex b’konformità mal-Aritkolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea titlob opinjoni esploratorja dwar

ir-Rwol tal-foresti u s-settur tal-foresti fil-ksib tal-miri tal-UE fil-qasam tal-bidla fil-klima” (Opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur KALLIO.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 8 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-foresti u l-injam rinnovabbli li jipproduċu jaqdu rwol sinifikanti fil-kontroll tal-bidla fil-klima għax:

huma u jikbru, il-foresti jassorbu l-karbonju mill-atmosfera u jaħżnuh fil-bijomassa u fil-ħamrija;

il-prodotti tal-injam jaħżnu fihom id-dijossidu tal-karbonju (CO2) – matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, il-prodott tal-injam ikun qed ineħħi l-karbonju mill-atmosfera;

l-użu tal-enerġija mill-injam inaqqas id-dipendenza mill-karburanti fossili u b’hekk inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

il-prodotti tal-injam għall-bini u għall-għamara indirettament inaqqsu l-emissjonijiet tal-karburanti fossili għax jieħdu post l-użu ta’ materjal ieħor bħall-konkos. Il-produzzjoni tal-konkos tikkonsma iktar enerġija u tikkawża ħafna aktar emissjonijiet mill-użu tal-injam.

1.2

Il-KESE jinnota li fl-Ewropa l-injam jintuża l-aktar fil-kostruzzjoni, bħala sors ta’ enerġija, u għall-produzzjoni tal-għamara u l-karti. B’riżultat tal-impatt pożittiv tal-katina tal-ipproċessar tal-injam, il-prodotti tal-injam għandhom valur miżjud kbir f’termini ta’ impjieg, ta’ qligħ għall-proprjetarji tal-foresti u ta’ attività ekonomika, b’mod partikolari fiż-żoni rurali.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-foresti Ewropej ilhom jaħżnu l-karbonju (bħala carbon sinks) għal għexieren ta’ snin. Barra minn hekk, ir-rata annwali li biha jikbru hija aktar għolja mir-rata ta’ qtugħ u dan qed inaqqas l-ammont ta’ CO2 fl-atmosfera. Jeħtieġ li nenfasizzaw l-importanza tal-foresti naturali bħala mħażen tal-karbonju u riżervi tal-bijodiversità. Il-monitoraġġ tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi Ewropej isir skont il-kriterji u l-indikaturi tal-MCPFE (1) li jiġu żviluppati regolarment.

1.4

Il-KESE jipproponi li l-UE tieħu dawn il-miżuri:

li tħeġġeġ l-użu tal-injam b’modi differenti u għal skopijiet differenti, billi pereżempju tippromovi l-użu tal-bijoenerġija prodotta sostenibbilment mill-foresti, ixxerred l-informazzjoni dwar l-użu tal-injam fil-kostruzzjoni, li għandu jkun ibbażat fuq kalkoli dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u fuq standards komuni fil-qasam tal-kostruzzjoni u billi, fl-Istati Membri, l-użu tal-injam fil-kostruzzjoni isir parti mill-politika nazzjonali tal-akkwist pubbliku tal-injam;

li tkun aktar attiva milli hi fil-politika internazzjonali tas-settur tal-foresti u li tassumi rwol mexxej fil-promozzjoni tal-ġestjoni globali u sostenibbli tal-foresti;

li twaqqaf kumitat Ewropew ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-industrija tal-foresti, dawk li jfasslu l-politika tal-foresterija, ir-riċerkaturi, il-proprjetarji tal-foresti u atturi prinċipali oħra mill-oqsma tal-foresterija, l-ambjent u l-ħarsien tal-klima. L-għan ta’ dan il-kumitat ikun li jsaħħaħ id-djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-foresterija u jwessa’ l-ambitu tiegħu, u li jtejjeb it-trasferiment tal-għarfien u t-teħid tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam;

li tagħmel kull sforz meħtieġ sabiex tilħaq il-miri stabbiliti għar-rappurtaġġ tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-perijodu ta’ wara l-Protokoll ta’ Kyoto billi:

a)

il-karbonju maħżun fil-prodotti tal-injam magħmula b’mod sostenibbli jintlaqa’ u jitqies bħala strument obbligatorju għall-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju;

b)

l-istrument REDD (2) jiġi żviluppat bħala għodda effettiva għall-iskambju tal-karbonju u li jintlaqa’ fil-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju tat-tibdil fl-użu tal-art, b’mod partikolari bil-għan li fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ma jkomplux jinqerdu l-foresti.

li tappoġġja r-riċerka, l-inventarju tar-riżorsi tal-foresti, it-tfassil ta’ mappa taż-żoni fil-periklu li jintlaqtu mill-bidla fil-klima u l-iżvilupp ta’ sistemi għall-monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-foresti u tiggarantixxi l-finanzjament meħtieġ biex dan iseħħ.

1.5

Il-KESE jisħaq li fid-dawl tal-effetti negattivi li jista’ jkollha l-bidla fil-klima, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta’ kontinġenza għall-prevenzjoni tal-ħsara lill-foresti minn fenomeni estremi (bħal maltempati, perijodi ta’ nixfa, nirien fil-foresti, ħsara li jikkawżaw l-insetti) u sabiex fejn issir ħsara, ikunu jistgħu jirrimedjawha. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu aktar informazzjoni dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-foresti.

1.6

Il-KESE jitlob lill-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw il-produzzjoni tal-bijoenerġija bl-għajnuna tat-tariffi obbligatorji għall-użu tal-enerġija rinnovabbli (feed-in tariffs).

1.7

Il-KESE jenfasizza li barra mir-rwol li jaqdu l-foresti sabiex tiġi kkontrollata l-bidla fil-klima, il-foresti għandhom rwoli ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi oħra li għandhom jiġu mħarsa. Għaldaqstant, barra mill-produzzjoni tal-injam, il-foresterija tinvolvi ż-żamma tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ġestjoni tal-pajsaġġ. Tinvolvi wkoll l-użu tal-foresti għal skopijiet ta’ rekreazzjoni u turiżmu, bħala sors ta’ protezzjoni mill-istorbju tat-traffiku, għall-prevenzjoni tal-valangi u l-erożjoni u bħala sors ta’ frott tal-foresti, faqqiegħ u annimali tal-kaċċa. Dawn id-diversi rwoli ta’ utilità pubblika tal-foresti ma jirriflettu ruħhom la fil-kalkoli tal-profitt u lanqas fil-prezz tal-injam.

2.   L-impenji tal-UE fir-rigward tal-klima b’rabta mal-foresti u l-foresterija

2.1

F’Diċembru 2008, il-Parlament Ewropew laqa’ l-pakkett tal-enerġija u l-klima tal-UE. Id-deċiżjonijiet leġiżlattivi li jolqtu lill-foresti u l-foresterija huma dawn li ġejjin:

ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Id-Direttiva stabbilixxiet linji gwida għall-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-foresterija sabiex ikunu jistgħu jiġu rrapurtati l-gassijiet b’effett ta’ serra u jkun jista’ jsir skambju tal-emissjonijiet. Il-karbonju maħżun fil-prodotti tal-injam u fil-foresti fihom innifishom huwa parti integrali tal-mekkaniżmu ta’ rappurtaġġ tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

l-industrija tal-fibra tal-injam magħġuna kimikament u tal-karti hija koperta mill-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet iżda tissodisfa l-kriterji li jpoġġuha fis-settur tan-“nixi tal-karbonju”. Id-deċiżjonijiet dwar dan is-settur ser jittieħdu iktar tard. L-użu tal-injam bħala materja prima huwa kopert mill-iskema ta’ skambju filwaqt li dan mhuwiex il-każ għar-riżorsi l-oħra li jintużaw għall-bini (bħall-konkos, l-azzar u l-aluminju). Il-prezz tal-karbonju għalhekk qed jolqot il-kompetittività tas-settur tal-injam u dan joħloq vantaġġ indirett għall-materjali msemmija fuq il-materjal tal-injam u l-kostruzzjoni bl-injam.

id-Direttiva Qafas dwar l-enerġija rinnovabbli (RED). L-għan, li sal-2020 20 % tal-enerġija tkun enerġija rinnovabbli, jimplika l-bżonn ta’ żieda konsiderevoli fl-użu tal-bijoenerġija mill-foresti (tisħin, elettriku u bijokarburanti). Sezzjoni 34 tad-Direttiva tistabbilixxi l-miri li jsir aktar użu mir-riżorsi tal-injam u li jiġu żviluppati metodi tal-ġestjoni tal-foresti ġodda, bil-għan li jkompli jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bijomassa. Id-Direttiva tinkludi diversi miri li jikkonċernaw il-bijomassa tal-foresti bħala prodott sostenibbli u s-settur tal-kostruzzjoni. L-għan huwa li niffrankaw l-enerġija u nnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-materjal.

id-Direttiva dwar l-użu tal-karburanti fit-trasport. Id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti li jolqtu l-bijomassa prodotta b’mod sostenibbli (jiġifieri, awtomatikament, il-bijomassa tal-foresti stess ukoll) fil-produzzjoni tal-bijokarburanti, b’konformità mal-qafas strateġiku tad-Direttiva RED.

2.2

Il-foresti jkopru 31 % tal-art tal-Ewropa u jassorbu madwar 10 % tal-emissjonijiet annwali tas-CO2 fl-Ewropa (3). L-ammont ta’ karbonju li jitlaq fl-atmosfera mill-foresti ġestiti b’mod sostenibbli huwa inqas (carbon sink) jew daqs (carbon neutral) l-ammont ta’ karbonju li jassorbu l-foresti mill-atmosfera.

3.   Ir-riżorsi tal-foresti  (4) u kif jintużaw fl-Ewropa

3.1

Fl-UE-27, il-foresti jammontaw għal 156 ettaru ta’ art. Iżda minħabba ċerti kundizzjonijiet naturali, mhux il-foresti kollha jistgħu jintużaw għall-injam jew għal użu kummerċjali ieħor. Medja ta’ madwar 80–90 % ta’ din l-art hija aċċessibbli, iżda fl-Ewropa tal-Lvant dan l-ammont jonqos għal madwar 40–50 %. Matul dawn l-aħħar 15-il sena, fl-UE-27, it-territorju tal-foresti kiber b’madwar 10 miljun ettaru b’riżultat tal-afforestazzjoni, ir-riforestazzjoni ta’ art li qabel kienet agrikola u r-riforestazzjoni naturali. Fid-daqs, dan it-takkbir huwa ekwivalenti għat-territorju totali tal-Ungerija.

3.2

Fl-UE–27 madwar 60 % tal-foresti huma proprjetà privata, primarjament tal-familji, 40 % huma proprjetà pubblika, pereżempju tal-istat, muniċipalitajiet, komunitajiet reliġjużi u entitajiet oħra. Fl-Ewropa jeżistu aktar minn 15-il miljun proprjetarju privat tal-foresti. Dan in-numru qiegħed jikber b’riżultat tar-ristrutturar li qed isir fis-sjieda tal-foresti fl-Ewropa tal-Lvant u arranġamenti oħra marbuta mal-qsim tal-wirt.

3.3

Il-bniedem ilu sekli sħaħ jisfrutta l-foresti Ewropej u jibdel l-istruttura tagħhom. B’hekk il-biċċa l-kbira tal-foresti Ewropej huma “seminaturali”, jiġifieri foresti li ġew ittrasformati mill-bniedem fir-rigward tal-ispeċijiet veġetali li jgħixu fihom. 85 % tal-foresti tal-Ewropa huma foresti seminaturali. Il-foresterija ssir ukoll f’tip ieħor ta’ foresta – il-foresti tal-pjantaġġuni. Il-biċċa l-kbira tal-pjantaġġuni jinsabu fil-Lbiċ tal-Ewropa u jirrapreżentaw madwar 8 % tal-foresti tal-Ewropa. Il-biċċa l-kbira tal-foresti naturali (5), jiġifieri dawk il-foresti li mhumiex maħduma mill-bniedem (foresti li ma jintlaqtux mill-attivitajiet tas-settur tal-foresterija) jinsabu fil-Lvant tal-Ewropa, fil-pajjiżi Baltiċi u dawk Nordiċi, u jammontaw għal madwar 5 % tal-foresti.

3.4

Il-foresti naturali u ż-żoni protetti ta’ foresti oħra huma l-aktar kategorija ta’ foresti importanti għall-ħarsien tal-bijodiversità. Il-foresti naturali huma ekosistemi stabbli li jiġġieldu kontra l-effetti tal-bidla fil-klima. Madwar 8 % tal-foresti fl-Ewropa huma mħarsa għal skopijiet ta’ bijodiversità, u madwar 10 % huma mħarsa għall-konservazzjoni tal-pajsaġġ. Dan iġib total ta’ 18 % (jew 34 miljun ettaru). In-numru ta’ żoni protetti bil-liġi jew regolamenti oħra żdied matul dawn l-aħħar snin. L-iktar foresti rari u prezzjużi u li għandhom jiġu mħarsa diġà huma protetti fl-Ewropa. Ħafna drabi, il-foresti protetti jinsabu f’żoni għoljin jew remoti ’l bogħod minn fejn jgħixu n-nies, u huma wħud mill-aktar żoni prezzjużi għax mhumiex mimsusa mill-bniedem u fihom diversità ta’ speċijiet kbira. 10 % tal-foresti huma mħarsa bil-għan li jipproteġu l-ilma, ir-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ħamrija, u għall-prevenzjoni tal-valangi jew tal-erożjoni. Il-promozzjoni tal-bijodiversità fil-kuntest tal-ġestjoni tal-foresti kummerċjali qed issir ukoll billi s-siġar dekomposti u l-ambjent naturali tal-mikroorganiżmi jitħallew fil-foresta sabiex b’hekk jitħarsu l-ispeċijiet rari.

3.5

Fl-Ewropa r-rata ta’ tkabbir tal-foresti tisboq ir-rata ta’ qtugħ tas-siġar b’marġni konsiderevoli. Fl-UE–27, fl-2005, l-istokk ta’ injam ħaj żdied b’687 miljun metru kubiku f’termini netti (fil-foresti fejn il-kundizzjonijiet naturali jippermettu l-kultivazzjoni tas-siġar). B’mod korrispondenti, il-qtugħ tas-siġar ammonta għal 442 miljun metru kubiku. Dan ifisser li r-rata tal-użu jew il-proporzjon tal-qtugħ mat-tkabbir, kienet ta’ madwar 60 % (b’rata li tvarja bejn 30 % u 80 %). Ir-rata ta’ użu tal-foresti hija ta’ aktar minn 50 % fl-Istati Membri tat-Tramuntana u fl-Ewropa Ċentrali, iżda hija inqas minn 50 % fl-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ. Hija żdiedet matul dawn l-aħħar 10 snin, iżda għadha ma laħqitx l-istess livell li kienet tinsab fih fl-1990. Sa ċertu punt, il-qtugħ tas-siġar żdied minħabba l-maltempati kbar tal-bidu tas-seklu l-ġdid; minħabba fihom f’xi postijiet l-injam inqata’ f’perijodu qasir ta’ żmien u laħaq l-ammont ta’ qtugħ li normalment jilħaq f’perijodu itwal ta’ snin. Fl-2006 l-ammont ta’ injam tond, ta’ biċċiet tal-injam u ta’ skart tal-injam importat fl-Ewropa (UE–27) laħaq it-83 miljun metru kubiku (mingħajr ma nqisu l-karti u ċ-ċelluloża) filwaqt li l-esportazzjoni ta’ injam bħal dan barra mill-Ewropa laħqet il-54 miljun metru kubiku (6).

3.6

Kważi 40 % (jew madwar 250 miljun metru kubiku) tat-tkabbir tal-foresti kummerċjali eżistenti għadu ma ntużax minħabba li r-rata tal-qtugħ tas-siġar hija inqas mir-rata tat-tkabbir. Barra minn hekk, l-istokk tal-foresti fl-UE–27 kiber kontinwament matul dawn l-aħħar 50 sena. Il-volum totali ta’ injam ħaj jammonta għal madwar 30 biljun metru kubiku, l-ekwivalenti ta’ 9.8 biljun tunnellata ta’ karbonju. Parti mill-karbonju li jaħżnu s-siġar jinħażen fil-ħamrija iżda għad m’hemmx riċerka fl-Ewropa dwar kemm fil-fatt jinħażen karbonju fil-ħamrija. Fir-rigward tal-ħżin tal-karbonju teżisti differenza importanti bejn il-foresti kummerċjali u l-foresti naturali: fejn jidħol il-ħarsien tal-klima, il-foresti naturali, fil-kundizzjoni aħħarija tagħhom, huma bjar puri tal-karbonju (carbon sinks), fejn l-ammont ta’ karbonju li jaħżnu fihom (permezz tat-tkabbir tal-bijomassa) u l-ammont ta’ karbonju li jemettu (permezz tad-dekompożizzjoni tal-bijomassa) huma bbilanċjati, filwaqt li l-foresti kummerċjali, permezz tal-qtugħ tal-injam, dejjem joħolqu kapaċità tal-ħżin tal-karbonju ġdida jew addizzjonali. Il-KESE jenfasizza bil-qawwa li mhuwiex qiegħed isostni li, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-foresti kummerċjali għandhom valur akbar mill-foresti naturali.

3.7

Huwa importanti li neżaminaw il-potenzjal tal-foresti tal-Ewropea għall-ħsad u użu ieħor sabiex nifhmu u nevalwaw il-qbid tal-karbonju, il-produzzjoni tal-bijoenerġija fil-foresti u ċ-ċiklu tal-karbonju relatat mal-prodotti tal-injam. Għad m’hemmx stampa koerenti tal-potenzjal tal-qtugħ tas-siġar fl-UE–27 kollha. Bosta pajjiżi ħolqu programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-foresti li minbarra l-qtugħ iqisu wkoll il-ħarsien tal-foresti, il-bijodiversità u bżonnijiet multifunzjonali oħra.

4.   L-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-foresti

4.1

Il-foresti jassorbu s-CO2 mill-atmosfera permezz tal-proċess ta’ assimilazzjoni u jibdluh f’bijomassa, primarjament fil-forma ta’ injam. Fl-istess waqt huma jemettu l-ossiġnu, li tant huwa importanti għall-annimali u l-bnedmin. Il-bidla fil-klima – b’mod speċjali ż-żieda fl-ammont ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera, iż-żieda fit-temperatura, iżda wkoll l-ammont ta’ ożonu f’wiċċ id-dinja, id-depożitu ta’ nitroġenu u l-aċidifikazzjoni tal-ħamrija jirrappreżentaw, immedjatament jew wara xi żmien, theddida għas-saħħa, l-iżvilupp u l-istruttura tal-foresti.

4.2

Il-bidla fil-klima tolqot lill-foresti b’żewġ modi. Jekk, pereżempju, il-klima tisħon u tixxotta gradwalment, is-siġar ikollhom jadattaw għall-bidla. Il-proċess ta’ aġġustament huwa proċess gradwali, u l-progress tiegħu u l-miżuri li jinfluwenzawh jistgħu jiġu ppjanati. Il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi huma l-iktar theddida serja għall-iżvilupp tal-foresti. L-informazzjoni li teżisti sa mill-1850 turi żieda ċara fil-livell ta’ ħsara kkawżata mit-tempesti matul dawn l-aħħar snin fl-Ewropa. Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar snin bosta nirien ħakmu l-foresti fil-pajjiżi Mediterranji. Huwa impossibbli li wieħed ibassar il-fenonmeni ta’ temp estrem, iżda huwa possibbli li wieħed jippjana bil-quddiem għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

4.3

Jekk il-foresti kummerċjali eżistenti ma jadattawx għal bidla gradwali fil-klima, uħud mir-riżultati jistgħu jkunu li tiddgħajjef il-vitalità tas-siġar, tonqos il-produttività tal-foresti, imutu ċerti siġar, tonqos il-kapaċità tas-siġar li jikkompetu u konsegwentement jiżdiedu l-mard u l-parassiti, kif ukoll li sseħħ bidla fid-distribuzzjoni tal-ispeċijiet tas-siġar tal-foresti. Fir-reġjuni tat-Tramuntana, jeżisti wkoll ir-riskju li s-siġar ma jirnexxilhomx jadattaw għax ir-rata ta’ żvilupp tagħhom qed tinbidel minħabba l-fatt li l-istaġuni li fihom jikbru qegħdin jitwalu u lli mhux qed jadattaw biżżejjed għall-istaġjun tal-mistrieħ jew tax-xitwa. Fil-każ ta’ kundizzjonijiet estremi bħal perijodi ta’ nixfa, nirien fil-foresti, tempesti jew ammonti kbar ta’ silġ, is-siġar jistgħu jmutu f’ħafna żoni. Ir-riforestazzjoni f’ċerti każijiet ma tkunx tista’ ssir u s-siġar mejta jistgħu joħolqu massa kbira ta’ parassiti li jolqtu wkoll lill-foresti b’saħħithom fil-viċinat.

4.4

Il-bidla fil-klima tolqot lill-veġetazzjoni b’diversi modi. L-effetti prinċipali f’bosta żoni veġetali u pajjiżi (fiż-żoni tat-tramuntana, fiż-żoni ta’ klima moderata, fiż-żoni ta’ veġetazzjoni Mediterranja, fiż-żoni alpini u polari) jistgħu jkunu dawn:

fil-Mediterran il-perijodi ta’ nixfa u ta’ sħana x’aktarx ser jiżdiedu; b’hekk ser tonqos il-provvista ta’ ilma frisk u jiżdied ir-riskju ta’ nirien fil-foresti u deżertifikazzjoni;

fl-Ewropa ċentrali l-istaġun li fih jikbru s-siġar ser jitwal; għalhekk ir-rata ta’ tkabbir tal-foresti x’aktarx ser tiżdied ukoll; l-ammont ta’ siġar ħorfija x’aktarx ser jiżdied; ix-xita tista’ tonqos u b’hekk jiżdiedu l-perijodi ta’ nixfa; il-perijodi ta’ kundizzjonijiet klimatiċi estremi u l-ħsara kkawżata mit-tempesti jistgħu jiżdiedu;

l-istaġun li fih jikbru s-siġar fiż-żona konifera tat-tramuntana x’aktarx ser jitwal; ir-rata ta’ tkabbir fil-foresti x’aktarx tiżdied; il-ħsara kkawżata mit-tempesti ser tiżdied; fiż-żoni ta’ klima moderata l-parassiti huma mistennija jinfirxu lejn it-tramuntana u jikkawżaw ħsara kbira;

konsegwenzi oħra tal-bidla fil-klima jistgħu jkunu li s-siġar ikomplu jikbru u jinfirxu lejn it-tramuntana u li jkun hemm estinzjoni gradwali ta’ ċerti speċijiet fil-foresti taż-żoni alpini u tar-reġjuni msaġġra tat-tramuntana u taż-żoni polari.

5.   Ir-rwol tal-ġestjoni tal-foresti fl-adattament għall-bidla fil-klima

5.1

Ġestjoni tajba tal-foresti hija l-mod prinċipali ta’ kif tista’ tittejjeb il-kapaċità tal-foresti li jadattaw għall-bidla fil-klima. Il-ġestjoni tal-foresti tinkludi miżuri preventivi bħalma huma l-identifikazzjoni u t-tneħħija f’waqtha ta’ siġar li qed imutu u tal-materjal li jista’ jikkaġuna nirien fil-foresti. Jeħtieġ li jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-foresti fl-adattament għall-bidla fil-klima fost il-pubbliku, il-proprjetarji tal-foresti u dawk li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-foresti. Il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira tal-foresti tal-UE sseħħ fuq bażi kontinwa u b’hekk ġeneralment ikollhom produttività u vijabilità għolja. Iridu jittieħdu miżuri potenzjali ta’ adattament minn issa u fuq bażi kontinwa, għax is-settur tal-foresti jitlob pjan fuq perijodu fit-tul minħabba li ċ-ċikli tal-ħajja fil-foresta huma ta’ bejn 15 u 150 sena.

5.2

Fir-rigward tar-riġenerazzjoni tal-foresti, għandhom jitħawlu l-ispeċi ta’ siġar li huma l-iktar adattati għal lokalità speċifika. L-ispeċi indiġeni ta’ lokalità għandhom jingħataw preferenza għax l-istruttura ġenetika tagħhom tippermettilhom li jadattaw għall-bidla lokali fil-klima aħjar. Foresti mħallta għandhom jingħataw preferenza wkoll, billi l-preżenza ta’ tipi differenti ta’ siġar bi proprjetajiet differenti tnaqqas ir-riskji għall-foresti.

5.3

Fil-foresti koniferi ta’ speċi waħda li tħawlu barra miż-żona naturali tagħhom, għandhom isiru sforzi sabiex il-kompożizzjoni tal-foresta tinbidel biex issir tixbaħ lid-distribuzzjoni oriġinali tal-ispeċijiet tas-siġar. Ir-reżistenza ta’ foresti mħawla u ta’ speċi waħda għat-tempesti u l-ħsara li jagħmlu l-insetti ħafna drabi tkun aktar baxxa minn dik ta’ foresti mħallta.

5.4

Għandhom jitfasslu pjanijiet ta’ kontinġeza għall-ġestjoni tal-foresti, alternattivi ta’ finanzjament li jkopru d-danni u mudelli operattivi biex l-industrija tkun ippreparata għall-effetti ħżiena ta’ temp estrem u mhux mistenni kkawżat mill-bidla fil-klima u l-ħsara li jagħmel lill-foresti. Għandhom jiġu identifikati ż-żoni li jinsabu f’riskju partikolari ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi. Għandhom jitfasslu wkoll mudelli operattivi li permezz tagħhom inkunu nistgħu niffaċċjaw żieda kbira fil-qtugħ tal-injam u niżguraw it-tħaddim bla xkiel tas-swieq tal-injam.

5.5

Il-bidla fil-klima u l-kummerċ internazzjonali tal-materjal tal-pjanti jżidu l-firxa ta’ speċijiet eżotiċi u pesti tal-pjanti. Id-Direttiva tal-UE dwar il-protezzjoni tal-pjanti tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tal-pesti li jagħmlu ħsara lill-pjanti, il-prevenzjoni tat-tixrid tal-parassiti u r-rekwiżiti relatati mal-kummerċ internazzjonali tal-injam u x-xtieli. Kemm għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-iktar parassiti tal-injam perikolużi (pereżempju n-nematodu fl-injam tal-arżnu) kif ukoll għas-saħħa tal-foresti, hemm bżonn li fiż-żona tal-UE jitwaqqfu regoli dwar il-protezzjoni tal-pjanti li jkunu stretti biżżejjed u li jsir monitoraġġ effikaċi. Hemm bżonn ta’ strateġiji u programmi nazzjonali li jikkontrollaw l-ispeċijiet eżotiċi u invażivi.

5.6

Il-ġestjoni tal-foresti u l-bijodiverstià m’għandhomx għalfejn imorru kontra xulxin. Il-ġestjoni tal-foresti kummerċjali seminaturali għandha tqis il-bijodiversità billi l-injam dekompost u l-mikrobijotopi jitħallew fiż-żoni kummerċjali tal-foresti sabiex jippreservaw l-organiżmi ħajjin. Diversi Stati Membri tal-UE jagħtu appoġġ finanzjarju lill-proprjetarji li jieħdu r-responsabbiltà li jipproteġu l-foresti tagħhom volontarjament, bħala miżura biex jippromovu l-bijodiverstià. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni tal-foresti jitolbu li l-ġestjoni tal-foresti tqis il-kriterji tal-bijodiversità.

5.7

Fil-preżent, il-foresti kummerċjali tal-Ewropa fihom ammonti kbar ta’ injam immermer, kemm wieqaf kif ukoll imwaqqa’. Dan jaħżen fih il-karbonju u jservi wkoll ta’ ambjent naturali importanti għal ċerti organiżmi. L-ammont medju ta’ injam immermer huwa ta’ 10 m3/ha. Ammonti kbar ta’ injam immermer jistgħu jxerrdu l-pesti tal-injam jew nirien kbar fil-foresti. Madanakollu dan it-tip ta’ injam xorta għandu ħafna vantaġġi għall-bijodiversità, għalhekk huwa importanti li ma jitneħħiex minn fejn kien qed jikber sabiex, pereżempju, jinħaraq bħala karburant.

5.8

Il-foresti naturali u ż-żoni mħarsa huma essenzjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità. Fiċ-ċiklu naturali tagħhom, il-foresti jgħaddu minn fażijiet fejn jassorbu l-karbonju għal fażijiet fejn jaħżnuh. Għalhekk meta l-ġestjoni attiva tal-foresti tieqaf sabiex isiru żoni protetti, iż-żoni fejn jikbru siġar ġodda jonqsu. Dawn, min-naħa tagħhom, jistgħu jżidu l-ammont ta’ karbonju li jinħażen fil-foresti u jservu ta’ sors għall-prodotti tal-injam li jieħdu post forom ta’ enerġija u materjali oħra.

5.9

Fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, il-ħarsien integrat (l-injam dekompost u l-bijotopi żgħar) li jsir fil-kuntest tal-ġestjoni kummerċjali tal-foresti jaqdi rwol aktar effettiv miż-żoni ta’ foresti protetti.

6.   Ir-rwol tal-prodotti tal-injam fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima

6.1

Il-katina tat-tkabbir u l-ipproċessar tal-foresti tolqot lill-bidla fil-klima b’erba’ modi differenti:

huma u jikbru, il-foresti jassorbu l-karbonju mill-atmosfera u jaħżnuh fil-bijomassa u fil-ħamrija;

il-prodotti tal-injam jaħżnu s-CO2;

l-użu tal-injam fil-produzzjoni tal-enerġija inaqqas id-dipendenza mill-karburanti fossili u b’hekk inaqqas ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

l-użu ta’ prodotti tal-injam għall-bini u għall-għamara, fost affarijiet oħra, indirettament inaqqas l-emissjonijiet tal-karburanti fossili għax jieħu post l-użu ta’ materjal ieħor bħall-konkos. Il-produzzjoni tal-konkos tikkonsma aktar enerġija u tirriżulta f’aktar emissjonijiet mill-injam.

6.2

Il-foresti Ewropej ilhom jassorbu l-karbonju għal għexieren ta’ snin u, billi r-rata annwali li biha jikbru hija aktar għolja mir-rata ta’ qtugħ, qed inaqqsu l-ammont ta’ CO2 fl-atmosfera. Madanakollu, dan huwa proċess li ma jistax ikompli għal dejjem fil-foresti kummerċjali, għax hekk kif is-siġar jilħqu l-quċċata tal-iżvilupp tagħhom jieqfu jaħżnu l-karbonju. Għalhekk il-ġestjoni tal-foresti kummerċjali għandha tkompli għaddejja fuq bażi kontinwa.

6.3

L-użu tal-prodotti tal-injam maħsud (7) jaqdu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. L-injam tal-foresti jassorbi l-karbonju mill-atmosfera li mbagħad jiġi trasferit u iżolat fil-prodotti tal-injam bħall-karti, l-għamara, it-twavel u l-bini tal-injam. B’hekk il-karbonju jkun qed jitneħħa mill-atmosfera għal sekli sħaħ, pereżempju permezz ta’ dar tal-injam. Fl-aħħar taċ-ċiklu tagħhom, il-prodotti tal-injam jistgħu jiġu rriċiklati u jinħarqu għall-enerġija. Ir-rappurtaġġ tal-karbonju fuq prodotti tal-injam għadu proċess volontarju fil-kalkoli tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-Protokoll ta’ Kyoto u mhux komplet, parzjalment minħabba l-fatt li l-kummerċ internazzjonali jitqies ukoll.

6.4

Permezz tal-bażijiet ta’ data nazzjonali u internazzjonali li jeżistu, nistgħu nikkalkulaw l-ammont ta’ karbonju li jistgħu jassorbu l-prodotti tal-injam. Qed jiġu żviluppati xi regoli dwar dawn il-kalkoli, bil-għan li jinutżaw biex jiġi kkalkulat ukoll il-bilanċ tal-karbonju fil-foresti. Ikun xieraq li fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima fl-2009, l-UE tipproponi li fil-perijodu post-Kyoto, jiġifieri mill-2012 ’il quddiem, ir-rappurtaġġ tal-ammont ta’ karbonju fil-prodotti tal-injam għandu jkun parti obbligatorja mill-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju.

6.5

Jekk fil-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju nibdew ninkludu l-ammont ta’ karbonju li jista’ jinħażen fil-prodotti tal-injam, dan jista’ jservi ta’ inċentiv għall-industrija tal-foresti biex tiġġestixxi l-foresti b’mod ekoloġiku u effiċjenti. Il-kapaċità tal-foresti li jiffaċċjaw l-impatt negattiv tal-bidla fil-klima tiddependi ħafna mill-ġestjoni kontinwa tal-foresti.

7.   L-użu tal-injam fil-kostruzzjoni

7.1

Is-settur tal-kostruzzjoni jaqdi rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima b’mod partikolari għax 40-50 % tal-enerġija primarja globali tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ tal-bini (8). Huwa stmat li l-produzzjoni ta’ materjal għall-kostruzzjoni, l-industrija tal-kostruzzjoni u l-użu tal-bini jiġġeneraw kważi 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2.

Fl-2005, l-UE-27 ikkunsmaw b’kollox 1 170,2 Mtoe. 28 % ġejjin mill-industrija, 30.9 % mis-settur tat-trasport u 41.1 % mid-djar. It-tisħin u t-tkessiħ tal-bini jikkawża 8 % tal-emissjonijiet ta’ CO2. Proporzjon konsiderevoli tal-emissjonijiet tas-CO2 jista’ jiġi evitat permezz ta’ kostruzzjoni professjonali u tekniki ġodda kif ukoll billi jiżdied l-użu tal-injam fil-kostruzzjoni.

7.2

Bħala materjal tal-kostruzzjoni, l-injam ma jużax ħafna enerġija, huwa rinnovabbli u ma joħloqx emissjonijiet tal-karbonju matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. L-ebda materjal komuni fil-kostruzzjoni ieħor ma jirrikjedi l-livell baxx ta’ enerġija li tirrikjedi l-produzzjoni tal-injam. Metru kubiku ta’ injam, bħala sostitut għal materjal tal-bini ieħor, inaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 fl-atmosfera b’medja ta’ 1.1 tunnellata.

7.3

Fuq livell globali, il-kostruzzjoni tal-bini tal-injam u l-użu tal-injam fil-kostruzzjoni huma limitati għax ma jeżistux standards, regoli u kriterji ta’ ċertifikazzjoni komuni. Is-settur tal-kostruzzjoni jeħtieġ analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja u tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’efett ta’ serra li joħolqu l-prodotti, ibbażati fuq kalkoli xjentifiċi, sabiex ikunu jistgħu jitqabblu materjali differenti fuq bażi imparzjali. Fil-politika tal-provvista tal-injam tagħhom, il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jinkludu l-materjal tal-injam għall-“kostruzzjoni ekoloġika” u japplikaw rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni tal-foresti li jkunu kompatibbli mal-kunċett internazzjonali tas-sostenibbiltà fuq bażi iktar wiesgħa.

8.   Il-bijoenerġija tal-foresti

8.1

Il-bijomassa tal-foresti hija l-aktar riżorsa ta’ bijonererġija rinnovabbli, importanti u aċċessibbli fl-Ewropa. Din l-enerġija tintuża għal tliet affarijiet:

għall-produzzjoni tas-sħana u l-fwar industrijali;

għall-produzzjoni tal-elettriku;

bħala bijokarburant li jintuża fis-settur tat-trasport.

Il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku mill-bijomassa tal-foresti fl-Ewropa żdiedet matul dawn l-aħħar snin. Tintuża fid-djar individwali kif ukoll f’ impjanti ta’ kull daqs għall-produzzjoni tas-sħana jew tas-sħana u tal-elettriku għall-iskejjel, l-operaturi pubbliċi, l-isptarijiet u l-komunitajiet fl-irħula jew fil-bliet. Madanakollu t-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-bijokarburanti mill-bijomassa tal-foresti u l-materja prima tal-injam għadhom fil-fażi ta’ prova tagħhom u hemm bżonn li jsir iktar investiment. Il-piroliżi tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-faħam użat biex itejjeb il-kwalità tal-ħamrija hija opportunità ġdida għat-titjib tal-valur enerġetiku tal-injam u l-kapaċità tal-ħamrija li tassorbi l-karbonju.

8.2

Fl-2006, il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-UE-25 laħqet il-110 miljun tunnellata, jiġifieri madwar 14 % tal-enerġija totali (Eurostat 2008). Il-biċċa l-kbira tal-enerġija rinnovabbli ġiet prodotta mill-bijomassa (65 %), prinċipalment l-enerġija mill-foresti (60 %). Is-sehem tal-enerġija mill-foresti fl-użu totali tal-enerġija jvarja minn Stat Membru għal ieħor fl-UE-27.

8.3

Il-bijokarburanti tal-injam tal-foresti jinkludu ħatab, pritkuni, trab tal-faħam ippressat, zkuk u għeruq tal-injam, faħam, gass tal-injam u siġar li jikber malajr bħaż-żafżafa. Il-prodotti sekondarji tal-industrija tal-foresti bħall-iskart ta’ sustanzi industrijali u l-iskart tal-injam (bħas-sustanza sewda mill-injam tas-siġar, il-qoxra tas-siġra, is-serratura u l-iskart proċessat u l-injam riċiklat) għandhom potenzjal kbir fil-qasam tal-enerġija u jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku, b’mod partikolari fl-indsutrija integrata tal-foresti. L-użu tal-prodotti sekondarji u l-fdalijiet tal-injam għall-produzzjoni tal-enerġija jistgħu jammontaw għal bejn 30 % u 50 % tal-użu tal-injam tond.

8.4

Fl-Ewropa għad hemm lok għal żvilupp konsiderevoli tal-użu tal-bijoenerġija tal-foresti. Skont stimi preliminari, l-ammont ta’ bijomassa li l-Ewropa għandha l-potenzjal li tuża fis-sena huwa ta’ bejn 100 u 200 miljun metru kubiku, bil-kundizzjoni li l-użu tal-foresti ma jheddidx lill-ambjent, il-bijodiversità u ż-żoni protetti. Attwalment l-ammont ta’ bijomassa tal-foresti li tintuża waħedha jew abbinata maz-zkuk maħsuda, hija stmata għal madwar 10 % – 15 % tal-potenzjal ta’ ħsad eżistenti.

8.5

Żieda fl-użu tal-bijomassa tal-foresti toħloq opportunitajiet ġodda kemm għall-proprjetarji tal-foresti, għax tkabbirilhom is-suq tal-injam u żżid il-kompetittività bejn il-prezzijiet, kif ukoll għall-industrija tas-serratura għax tespandi s-suq għall-prodotti sekondarji tal-industrija. Domanda tajba għall-bijomassa tal-foresti tista’ ġġib magħha bidla fis-suq tal-injam tond għax iżżid il-kompetizzjoni għall-materja prima tal-injam bejn is-settur tal-bijoenerġija u l-industriji tal-injam li ġej miz-zokk tas-siġar (stemwood). Sistemi ta’ appoġġ bħat-tariffi obbligatorji għall-użu tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jservu ta’ strument importanti biex jiġu żviluppati strateġiji tal-bijoenerġija differenti fil-livelli lokali u reġjonali. L-appoġġ għall-iżvilupp reġjonali tal-UE għandu jkun raġuni prinċipali għalfejn għandu jiżdied l-użu tal-bijoenerġija.

8.6

Is-swieq tal-karburanti tal-injam u l-injam użat għan-nar huma swieq lokali. Żieda fl-użu tal-injam għall-produzzjoni tal-enerġija fl-UE tista’ tagħti spinta lill-kummerċ u l-impjiegi fis-suq tal-makkinarju u t-tagħmir. Il-produzzjoni tal-pritkuni, it-trab tal-faħam ippressat u l-karburanti tal-injam ipproċessat oħra tirrikjedi makkinarju u tagħmir speċjali. Il-produzzjoni tal-enerġija teħtieġ numru kbir ta’ boilers u tagħmir irfinat ieħor li għandhom potenzjal ta’ tkabbir kbir. Iż-żieda fl-użu tal-enerġija li ġejja mill-injam tista’ ġġib magħha opportunitajiet kbar ta’ esportazzjoni tat-teknoloġija fis-swieq barra mill-UE.

8.7

Bħalissa, fil-kuntest tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli, qed jitfasslu l-istandards għal produzzjoni sostenibbli tal-bijomassa. L-istandards huma importanti sabiex niżguraw akkwist u produzzjoni tal-bijoenerġija sostenibbli mill-foresti u proċeduri komuni. Dawn l-istandards għandhom jiġu abbinati mal-kriterji Ewropej tal-MCPFE sabiex ma jsirx xogħol żejjed jew xogħol li diġà sar.

9.   Aspetti tal-politika tal-foresti

9.1

Wieħed mill-aktar mezzi effettivi ta’ kif neliminaw il-karbonju mill-atmosfera huwa billi niżirgħu foresti ġodda. Bħala parti mill-politika tal-iżvilupp tagħha, l-UE għandha tappoġġja proġetti bħal dawn fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw għax il-bidla fil-klima x’aktarx ser iżżid id-differenzi ekonomiċi bejn il-pajjiżi industrijali u dawk li għadhom qed jiżviluppaw. Proġetti bħaż-żrigħ ta’ foresti ġodda għandhom jiġu akkumpanjati minn strateġiji ta’ adattament li jibnu l-kapaċità, li jappoġġjaw l-użu multifunzjonali tal-foresti u l-gvernanza tajba fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi, l-UE għandha tieħu l-passi neċessarji sabiex tiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar, tippromovi industrija tal-foresti sostenibbli u tgħin lill-pajjiżi fit-tfassil ta’ programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-foresti flimkien ma’ setturi oħra.

9.2

Il-kalkoli tal-bilanċ tal-karbonju tal-Protokoll ta’ Kyoto li jirriflettu t-tibdil li sar fl-użu tal-art ma jinkludux dispożizzjonijiet għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw li jqisu t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżulta mill-prevenzjoni tal-qtugħ tal-foresti. Il-qerda tal-foresti żżid l-emissjonijiet tas-CO2 u l-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-istrument REDD sabiex ikun jista’ jintuża fil-kalkoli tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra li ġejjin mill-użu tal-art fil-perijodu ta’ wara Kyoto, jiġifieri mill-2012 ’il quddiem. Għalhekk hemm bżonn li l-prezz ikun jirrifletti l-ammont ta’ karbonju akkumulat, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet biex jinfluwenzaw il-politika ta’ prevenzjoni tal-qerda tal-foresti tropikali.

9.3

L-UE żviluppat il-proċedura FLEGT (9) bil-għan li fis-swieq tal-UE ma jitpoġġewx injam u prodotti illegali tal-injam. L-iskema ta’ liċenzji FLEGT, permezz tas-sistema ta’ sħubija speċifika għal kull pajjiż li waqqfet, tippromovi u tappoġġja l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppw u tħeġġeġ lill-Istati Membri u lil dawn il-pajjiżi sabiex jaħdmu flimkien mill-qrib. L-UE għandha tappoġġja l-iżvilupp globali tas-sistema FLEGT. Il-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar tnaqqas il-qerda tal-foresti tropikali u l-emissjonijiet tas-CO2 li tikkawża din il-qerda. L-għan tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni tal-foresti li joperaw fuq bażi volontarja bħall-PEFC (10) u l-FSC (11) huwa li jnaqqsu l-qtugħ illegali tas-siġar ukoll.

9.4

Bl-għajnuna ta’ ftehimiet u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNECE Timber Committee, il-Kummissjoni tal-Foresti Ewropej tal-Organizzazzjoni għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO), l-EUROSTAT u l-MCPFE, qed tinġabar data dwar ir-riżorsi tal-foresti Ewropej, l-ammont ta’ karbonju li jassorbu, iċ-ċiklu tal-karbonju, id-diversità tal-foresti, il-prodotti tagħhom u l-impatt protettiv tagħhom. Madanakollu neħtieġu aktar għarfien u aktar riċerka. Aħna u niżviluppaw is-sistemi Komunitarji ta’ monitoarġġ bħall-proġett il-ġdid FutMonm, jeħtieġ li nużaw is-sistemi ta’ monitoraġġ nazzjonali, pan-Ewropej u globali li jeżistu u li għadhom qed jevolvlu. Il-proprjetarji tal-art għandhom jingħataw garanzija sħiħa li d-data tagħhom ser tiġi mħarsa waqt l-ipproċessar u l-pubblikazzjoni. L-UE għandha tuża l-programmi qafas ta’ riċerka tagħha sabiex tappoġġja aktar riċerka f’dawn l-oqsma u sabiex tiffaċilita t-trasferiment tad-data permezz ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kemm għar-riċerka bażika kif ukoll għal dik applikata.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  MCPFE – Konferenza Ministerjali dwar il-ħarsien tal-foresti tal-Ewropa sa mill-1990.

(2)  REDD – Reduction Emissions from Deforestation and Forest Degradation (it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti).

(3)  Nabuurs, G.J. et al. 2003. Temporal evolution of the European Forest sector carbon sink 1950-1999. Global Change Biology 9.

(4)  State of Europe’s Forests 2007. The MCPFE Report on sustainable forest management in Europe. MCPFE, UNECE u FAO. Varsavja 2007, p.247.

(5)  Definizzjonijiet: il-foresti li huma kklassifikati bħala “foresti li mhumiex mimsusa mill-bniedem” juru karatteristiċi taċ-ċiklu ta’ żvilupp naturali tal-foresti bħall-kompożizzjoni naturali tal-ispeċijiet ta’ siġar differenti, struttura naturali taż-żmien, komponenti ta’ injam mejjet u l-ebda sinjal ta’ attività umana. Il-pjantaġġuni jikkonsistu f’siġar li mhumiex indiġeni jew f’madwar żewġ speċijiet indiġeni ta’ siġar, li tkabbru artifiċjalment u huma kollha tal-istess età. Il-foresti seminaturali huma dawk li la jagħmlu parti mill-kategorija ta’ foresti li mhumiex mimsusa mill-bniedem u lanqas mill-pjantaġġuni. Din kienet id-definizzjoni li użat il-Kummissjoni fid-Direttiva RED dwar l-enerġija rinnovabbli (punt 72) sabiex tirreferi għall-foresti fejn il-bijomassa tista’ tiġi kkultivata (il-kultivazzjoni hija permessa fil-foresti kollha minbarra l-foresti primarji li mhumiex mimsusa).

(6)  Sors: ForeSTAT, FAO 2007.

(7)  Il-prodotti tal-injam maħsud jinkludu l-materjal tal-injam kollu (inkluż il-qoxra taz-zokk) li ma jibqax fuq is-siti tal-ħsad. Friegħi u materjal ieħor li jitħalla fuq is-siti tal-ħsad jitqies bħala materjal organiku mejjet u mhux bħala prodott tal-injam maħsud (IPCC linji gwida 2006).

(8)  Sors: UNECE/FAO Forest Products Annual Market Review 2007-2008 http://www.unece.org:tarde/timber/docs/fpama/2008 u http://www.iisd.ca/ymb/efw/20october.html.

(9)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – L-infurzar tal-liġi, il-gvernanza u l-kummerċ tal-foresti (FLEGT) – proposta għal pjan ta’ azzjoni tal-UE – COM(2003) 251 finali (mhux disponibbli bil-Malti); Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1024/2008 tas-17 ta’ Ottubru 2008 li jistabbilixxi miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar il-ħolqien ta’ skema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea – OJ L 277, 18.10.2008, p.23-29.

(10)  PEFC - Programme for the Endorsement of Forest Certification schemes; www.pefc.org.

(11)  FCS – Forest Stewardship Council.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/9


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem (opinjoni esploratorja)

2009/C 228/02

F’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2008, fil-kuntest tal-Presidenza Ċeka li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru Ċek għall-Affarijiet Barranin u Ewropej talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

is-Sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” (opinjoni esploratorja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur MALOSSE u l-korapporteur kien is-Sur PÎRVULESCU.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’160 vot favur, vot wieħed kontra u 11-il astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-opinjoni esploratorja, li tfasslet bi tweġiba għat-talba tal-Presidenza Ċeka lill-KESE, tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-istituzzjonijiet edukattivi, tressaq rakkomandazzjonijiet għall-intrapriżi, l-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi, il-firxa wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi u l-UE; u teżamina wkoll għadd ta’ approċċi għat-tnedija ta’ djalogu soċjali u djalogu ċivili mal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kkonċernati.

1.2

L-opinjoni tqis il-punti li ġejjin:

il-kriżi attwali li qed tesponi l-Ewropa għal sfidi interni u esterni ġodda u li fl-ekonomija reali qed tfisser l-għeluq u r-ristrutturar ta’ intrapriżi u żieda kbira fil-qgħad;

it-tendenzi strutturali b’impatt soċjali u ekonomiku qawwi, fosthom it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-impatt ta’ setgħat ekonomiċi emerġenti fuq il-kompetizzjoni dinjija u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li jeħtieġu adattament kontinwu u l-ippjanar ta’ ħiliet ġodda biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ġejjieni;

il-bżonnijiet ta’ persuni u gruppi fil-periklu ta’ esklużjoni. Il-gruppi vulnerabbli huma l-aktar f’periklu fi żmien ta’ kriżi. Is-sħubijiet għandhom jippromovu t-trattament ġust billi jiżviluppaw proġetti li jħeġġu l-inklużjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ, tal-minoritajiet, tal-persuni b’diżabilità u tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol.

1.3

L-opinjoni tenfasizza diversi prijoritajiet:

kultura ta’ sħubija li trawwem rispett għar-rwoli fundalment differenti tal-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi;

ħarsa ġenerali lejn ir-relazzjonijiet u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi; li għajr għall-qasam tal-edukazzjoni teknika u vokazzjonali, għad m’hemmx biżżejjed minnhom, u fuq kollox m’għandhomx il-mezzi u l-viżjoni strateġika meħtieġa;

il-ħtieġa li l-inizjattivi kollha jkunu msejsa fuq kompromess bejn l-approċċ minn fuq għal isfel u l-approċċ minn isfel għal fuq;

l-importanza tar-relazzjonijiet personali sabiex is-sħubijiet jaħdmu b’mod effikaċi;

l-obbligu li l-kwistjonijiet ġenerali tas-sħubijiet, fis-sens wiesa’ tal-kelma, bejn l-istituzzjonijiet edukattivi (l-universitajiet, iċ-ċentri tat-taħriġ vokazzjonali, l-iskejjel, eċċ) u min iħaddem (is-settur pubbliku u privat, NGOs, eċċ) jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ imsejjes fuq tliet livelli:

l-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja,

it-taħriġ vokazzjonali bażiku u kontinwu,

it-taħriġ fl-oqsma tal-inġinerija, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka;

impenji partikolari fir-rigward tas-setturi vokazzjonali u l-SMEs. Din il-kategorija ta’ intrapriżi, minħabba l-flessibiltà tagħha, fil-fatt hija s-sors prinċipali għall-ħolqien ta’ impjiegi fi żminijiet ta’ kriżi u taqdi rwol partikolari fil-ħolqien ta’ spritu intraprenditorjali u l-kreattività;

ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-unjins kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala xprun tal-proġetti u s-sinerġiji, bil-għan li jappoġġjaw l-inizjattivi u l-istrutturi sostenibbli u dinamiċi.

Approċċ ġenerali għall-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati f’kuntest ta’ kompetizzjoni

1.4

Il-KESE jipproponi li jinbena qafas ġdid għal sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi fil-livell Ewropew sabiex isir l-aħjar użu tal-benefiċċji tad-dimensjoni Ewropea u biex jinkiseb progress soċjali. Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ proċess Ewropew li jista’ jissejjaħ “il-proċess ta’ Praga” b’referenza għall-konferenza dwar “Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” li ser tinżamm fis-6 u s-7 ta’ April fi Praga fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Ċeka. Dan il-proċess jista’ jieħu l-għamla ta’ qafas ta’ referenza Ewropew wiesa’ biżżejjed biex jippermetti lill-operaturi lokali jimplimentaw miżuri innovattivi fil-livell lokali u nazzjonali:

jitolbu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra jinvestu aktar fl-edukazzjoni b’mod ġenerali u partikolarment f’dawn is-sħubijiet bil-għan li jiġu indirizzati adegwatament il-kriżi ekonomika u d-diffikultajiet li għad hemm fis-suq tax-xogħol;

iħeġġu lill-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi jinvolvu ruħhom f’dawn is-sħubijiet filwaqt li jkunu innovattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-għamla u l-kontenut;

jorganizzaw skambji ta’ prattiki tajba u jirristrutturaw l-oqfsa tekniċi u finanzjarji għall-kontroll, l-evalwazzjoni u t-tixrid tal-inizjattivi fil-livell Ewropew;

jiżviluppaw proġetti komuni (sistemi ta’ referenzi komuni għall-kwalifiki, netwerks ta’ skejjel u inizjattivi, taħriġ għall-għalliema, netwerk ta’ medjaturi);

jippromovu programmi ta’ mobilità reċiproka għall-għalliema, l-istudenti, l-iskejjel u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

1.5

Il-KESE jissuġġerixxi li dan il-proċess jiġi ffinanzjat minn issa sal-2013 mill-Fondi Strutturali Ewropej u l-programmi eżistenti (Leonardo, Grundtvig, Erasmus għall-istudenti, l-apprendisti u l-intraprendituri, eċċ.) billi jiġu adattati jekk ikun hemm bżonn. B’mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista’ jintuża għat-taħriġ bażiku. Programm speċifiku komplementari jista’ jiġi propost wara l-2013.

2.   Il-ħtieġa u l-potenzjal tas-sħubijiet bejn id-dinja intraprenditorjali u dik edukattiva

2.1

Fl-Ewropa, l-iżvilupp u l-kwalità tal-ħajja jiddependu ħafna mill-istandards kulturali u xjentifiċi li min-naħa tagħhom jiddependu mill-kwalità tas-sistemi edukattivi. Jeħtieġ li nenfasizzaw il-fatt li fl-Ewropa s-sħubija bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni qed tiffaċċja sfidi kbar marbuta mal-aspetti li ġejjin:

l-aspett soċjali: iż-żieda qawwija fid-domanda għall-għarfien;

l-aspett ekonomiku: iż-żieda esponenzjali tas-suġġetti li għandhom jiġu mgħallma sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-ekonomija;

l-aspett kulturali: il-ħtiġijiet dejjem aktar kumplessi tal-promozzjoni tal-valuri multikulturali.

Is-sħubija għandha wkoll tqis:

id-dritt għat-tagħlim u għall-edukazzjoni għal kulħadd u b’mod partikolari fl-ogħla livell possibbli ta’ kultura ġenerali, inkluż it-tagħlim tal-lingwi u tat-teknoloġija moderna tal-komunikazzjoni;

il-ġlieda kontra kull xorta ta’ esklużjoni u ta’ diskriminazzjoni kif ukoll ir-rispett tad-diversità f’kull għamla tagħha;

l-inizjattiva, il-kreattività u l-valuri pożittivi kollha relatati mal-kunċett tal-ħolqien tal-ġid u tal-ispirtu intraprenditorjali;

attenzjoni partikolari għall-każijiet individwali b’mod partikolari l-gruppi speċifiċi.

2.2

Tradizzjonalment l-Ewropa tiddependi mill-previżjonijiet tal-ħiliet fuq perijodu fit-tul. Madankollu, f’ekonomija globali li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi jaħdmu flimkien aktar mill-qrib bil-għan li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati u tal-futur qrib tal-ekonomija u b’mod partikolari tal-SMEs.

2.3

Għal ħafna snin, l-oqsma tal-edukazzjoni teknika, sekondarja u terzjarja kellhom esperjenzi pożittivi ħafna fil-qasam tas-sħubijiet, għax permezz tagħhom rawmu relazzjonijiet vantaġġużi mal-ambjent ekonomiku permezz ta’ diversi ftehimiet – formali jew informali – li jorbtu l-istituzzjonijiet edukattivi mal-intrapriżi u viċeversa. Barra l-prattiki t-tajba li sa ċertu punt jinsabu kullimkien, hemm determinazzjoni qawwija sabiex jinħolqu sħubijiet dejjiema li jirrispettaw ir-responsabbiltajiet ta’ kulħadd – b’mod partikolari r-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet edukattivi li joħorġu l-kwalifiki b’mod kompletament awtonomu – bil-għan li joħolqu sinerġija u jgħaqqdu l-forzi u t-talenti biex b’hekk flimkien jindirizzaw il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali.

L-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom għanijiet differenti iżda t-tnejn jistgħu jiksbu l-objettivi tagħom b’suċċess billi jiżviluppaw skambji ta’ informazzjoni, sħubijiet u proġetti komuni. Għal snin sħaħ, jew pjuttost għal sekli sħaħ, f’ħafna Stati Membri ġew implimentati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jalternaw fejn it-tagħlim isir fl-iskejjel u fil-kumpaniji (is-sistema doppja tat-taħriġ vokazzjonali (Duales Berfusausbildungssystem) fil-Ġermanja, “apprentissage” fi Franza u “apprenticeships” fir-Renju Unit, eċċ.). Dan it-tip ta’ tagħlim ta xhieda tal-valur miżjud importanti tas-sħubijiet permanenti, strutturati u integrati.

2.4

Idealment, l-intrapriżi jġibu magħhom għarfien dwar il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-swieq u għalhekk jadattaw it-tagħlim u t-taħriġ b’mod effettiv. L-intrapriżi huma sors ta’ għarfien, ħiliet professjonali u mezzi teknoloġiċi.

2.5

Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet edukattivi jakkumulaw riżorsi siewja ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-għarfien tekniku u xjentifiku miksub, u li jista’ jintuża fil-prattika, pereżempju fit-tħejjija għad-dinja tax-xogħol u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ taħriġ u linji ta’ studju ġodda.

3.   Sfidi għall-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi

3.1

Minkejja l-għadd ta’ esperjenzi pożittivi, l-inizjattivi ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem għadhom limitati, sikwit ristretti għall-edukazzjoni teknika u vokazzjonali. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika, jeħtieġ li l-potenzjal ta’ dawn is-sħubijiet jingħata nifs ġdid: sabiex l-irkupru ekonomiku jkun ta’ suċċess, jeħtieġ li t-taħriġ ikun adattat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li l-intrapriżi jużaw il-ħiliet u r-riżorsi umani b’mod effettiv.

3.2

Ovvjament, il-qafas ta’ dawn is-sħubijiet Ewropej ġodda għandu jkollu ħafna forom differenti. Għandu jinvolvi d-diversi atturi kkonċernati b’mod differenti:

fil-livell lokali, għandu jkun hemm sħubijiet bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi u l-awtoritajiet lokali;

l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali, l-imsieħba soċjali, l-istrutturi edukattivi u l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili għandhom jagħtu spinta u qafas strutturat lil dawn is-sħubijiet lokali;

fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, l-organizzazzjonijiet Ewropej ewlenin tal-intraprendituri, l-impjegati, l-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili u ovvjament il-gvernijiet Ewropej għandhom jagħtu lis-sħubijiet dimensjoni li tirrifletti l-ħtiġijiet tas-27 Stat Membru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

3.3

L-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi għandhom responsabbiltà komuni li joffru korsijiet u opportunitajiet ta’ taħriġ, partikolarment permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

3.4

L-intrapriżi għandhom bżonn jiksbu ħiliet varjati ħafna b’dimensjonijiet differenti; dawn il-ħiliet jiddeterminaw jew jaffettwaw l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-attività ekonomika tal-intrapriżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżviluppi teknoloġiċi, l-internazzjonalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda. Minn naħa, l-intrapriżi jridu jsibu l-ħiliet korrispondenti mis-suq tax-xogħol u mill-oħra jħarrġu lill-impjegati, id-diriġenti u l-futuri diriġenti tagħhom għall-eżiġenzi tax-xogħol. Min-naħa tagħhom, l-impjegati qed jiffaċċjaw il-ħtieġa korrispondenti li jtejbu l-potenzjal tagħhom li jiġu impjegati u li l-kwalifiki li kisbu jiġu ġġustifikati permezz ta’ diplomi li huma rrikonoxxuti internament mill-intrapriża kif ukoll esternament mis-suq tax-xogħol.

3.5

L-evoluzzjoni tal-edukazzjoni fl-Ewropa hija ddominata ferm minn żewġ fenomeni: l-effett tal-massa u d-diversifikazzjoni tat-tagħlim. L-espansjoni rapida matul dawn l-aħħar snin tan-numru ta’ studenti u studenti universitarji b’mod simultanju wasslet għal diversifikazzjoni sinifikanti fil-popolazzjoni tal-istudenti (l-istruttura tal-età, l-isfond edukattiv, l-oriġini soċjali, eċċ.) li ħolqot il-ħtieġa ta’ metodi ta’ ħidma adattati u attenzjoni partikolari.

3.6

Minkejja d-diffikultajiet attwali, hemm potenzjal kbir għall-kooperazzjoni f’dan il-kuntest u jeħtieġ li jissaħħu tliet aspetti relatati ma’ din il-kwistjoni:

3.6.1

Illum il-ġurnata, hemm nuqqas kbir ta’ persunal ikkwalifikat fis-setturi bħas-servizzi personali, il-kostruzzjoni, ir-ristoranti, il-lukandi, eċċ. L-edukazzjoni teknika u vokazzjonali sikwit kienet punt ta’ referenza għall-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi fil-livell lokali. F’ħafna pajjiżi din l-edukazzjoni ngħatat il-ġenb u xi wħud jaħsbu li l-prekarjetà u l-esklużjoni fis-soċjetajiet tagħna huma marbuta direttament ma’ dan il-fenomenu. L-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom ir-responsabbiltà komuni li jtejbu l-prospettivi tal-karriera (pagi, promozzjonijiet, eċċ) u li jippromovu l-valur tal-professjonijiet u tal-artiġjanat, filwaqt li jiżguraw edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tagħmel enfasi fuq il-“kultura ġenerali”.

3.6.2

In-natura dejjiema u r-ritmu mgħaġġel tal-bidla jeżiġu aġġornament kontinwu, taħriġ kontinwu, tagħlim mill-ġdid u aġġornament tal-ħiliet u l-kwalifiki professjonali. It-taħriġ “tul il-ħajja” huwa neċessità għal kulħadd illum il-ġurnata u għalhekk huwa opportunità tajba għas-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem.

3.6.3

Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, mhumiex midħla tal-istituzzjonijiet edukattivi. Madankollu, l-SMEs jista’ jkollhom bżonn ta’ taħriġ komprensiv. Approċċ partikolarment utli huwa li min iħaddem jiġi involut aktar fit-taħriġ tal-għalliema li huma responsabbli għall-iżvilupp tal-ħiliet professjonali. Barra minn hekk, ikun tajjeb ukoll li jitħarrġu għadd ta’ medjaturi biex iħeġġu u jħaddmu s-sħubijiet.

4.   Lejn qafas Ewropew ta’ relazzjonijiet bejn is-settur edukattiv u l-intrapriżi

Fi żminijiet ta’ ħafna sfidi ġodda, ta’ kriżi u ta’ żieda qawwija fil-qgħad, il-ħtieġa ta’ investiment fit-taħriġ hija akbar minn qatt qabel. Jeħtieġ ukoll li jiġu antiċipati, evalwati u ġestiti malajr il-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” (1). Huwa importanti li jintużaw ir-riżorsi eżistenti, speċjalment il-Fondi Strutturali, biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u li jinsabu miżuri ġodda għall-perijodu 2014-2020.

4.1   Fit-tmeninijiet, inħoloq netwerk Ewropew uniku (il-programm COMETT) li kapaċi jorganizza b’mod effikaċi eluf ta’ skambji transnazzjonali bejn l-industrija u l-universitajiet kull sena, inklużi korsijiet intensivi ta’ taħriġ avvanzat. Il-kwantità kif ukoll il-kwalità tat-taħriġ avvanzat tjiebu fl-Ewropa kollha, u b’hekk dan ikkontribwixxa għal titjib fil-kompetittività Ewropea, qajjem kuxjenza dwar il-vantaġġi tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi u fiehem aħjar dawn il-benefiċċji.

Ċerti elementi tal-programm COMETT ġew inklużi fil-programm Leonardo da Vinci iżda l-ispeċifiċità tiegħu u l-potenzjal tan-netwerks li nħolqu għebu (2).

4.2   Il-proċess ta’ Bolonja

4.2.1

Il-ħolqien ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, li tnidiet bl-isem ta’ “Proċess ta’ Bolonja” fl-1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni u mir-rappreżentanti universitarji ta’ 29 pajjiż, wassal għal riforma ewlenija li involviet uffiċjalment 46 pajjiż membru tal-Kunsill tal-Ewropa.

4.2.2

L-objettiv ta’ dan il-Proċess huwa li titwaqqaf Żona Ewropea ta’ Taħriġ, prinċipalment permezz tal-armonizzazzjoni fl-Ewropa taċ-ċikli universitarji: Bakkalawrjat/Masters/Dottorat, fuq kollox sabiex il-korsijiet universitarji jkunu komparabbli u għaldaqstant jiġu żgurati l-moviment ħieles tal-istudenti u l-mobilità tal-persuni. Dawn il-miżuri kollha jippromovu t-trasparenza, ineħħu l-ostakli u jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi.

4.2.3

Iżda jeħtieġ niġbdu l-attenzjoni għall-fatti li ġejjin:

il-proċess ta’ Bolonja mkien ma jagħti prijorità lit-tisħiħ tar-rabtiet bejn id-dinja intraprenditorjali u dik edukattiva;

l-universitajiet, li ovvjament l-għan prijoritarju tagħhom mhuwiex li joħolqu rabtiet ma’ min iħaddem, ġeneralment ma jkollhomx la l-mezzi u lanqas il-kapaċitajiet biex jidħlu f’relazzjonijiet strutturati mal-intrapriżi tal-pajjiżi tal-UE;

kull min iħaddem huwa favur il-kooperazzjoni iżda, ta’ sikwit, ma jipprovdix l-għajnuna teknika u l-appoġġ finanzjarju li wieħed ikun qed jistenna.

4.3   Il-proċess ta’ Kopenħagen

4.3.1

L-għan ta’ dan il-proċess tal-Unjoni Ewropea, li tnieda fl-2002, huwa li s-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) jsiru referenza ta’ kwalità. Il-miżuri li jixbhu l-proċess ta’ Bolonja iżda li huma adattati għall-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġew imħeġġa bis-sħiħ.

4.3.2

Il-programm Leonardo jiffaċilita l-mobilità għal persuni li jixtiequ jiksbu esperjenza professjonali fl-Ewropa kif ukoll l-iskambji tal-prattiki t-tajba bejn dawk responsabbli għat-taħriġ filwaqt li l-għan tal-programm Grundtvig huwa li jtejjeb il-kwalità u jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni għall-adulti, u li joffri liċ-ċittadini Ewropej aktar opportunitajiet sabiex jitħarrġu aħjar tul ħajjithom. Madankollu, dawn il-programmi ma ġewx promossi b’mod wiesa’ u għaldqstant ma laħqux udjenza kbira biżżejjed tant li l-objettivi jkunu jistgħu jiġu żviluppati. Għalkemm m’għandna l-ebda dubju dwar il-modalitajiet ta’ dawn il-programmi, jeħtieġ li fil-futur jissaħħu l-mezzi li permezz tagħhom jistgħu jieħdu azzjoni.

4.3.3

Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta’ Bordeaux (26/11/2008) hija marbuta mal-proċess ta’ Kopenħagen dwar kooperazzjoni Ewropea aktar mill-qrib fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Barra minn hekk, din tikkonferma l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-finanzi pubbliki u privati xierqa, permezz tal-użu ta’ strumenti bħall-FSE, il-FEŻR u s-self mill-BEI.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħiliet u l-ħtieġa li jiġu żviluppati attivitajiet li jantiċipaw il-bżonnijiet, il-Communiqué ta’ Bordeaux jirrakkomanda li t-taħriġ vokazzjonali jiġi żviluppat fuq skala wiesgħa kemm jista’ jkun u jinvolvi l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali.

5.   Proċess Ewropew ġdid favur is-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem

5.1

Skont l-aħħar rapport dwar il-progress tal-programm “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” (3) l-Unjoni Ewropea ma tistax tinjora la l-fatt li għadha lura fil-qasam tal-edukazzjoni u lanqas id-diffikultà tagħha biex tipprovdi lill-intrapriżi persuni li għandhom taħriġ bażiku u ħiliet speċjalizzati biżżejjed biex jilqgħu l-isfidi teknoloġiċi u l-globalizzazzjoni tal-lum il-ġurnata. Għaldaqstant, il-mobilità intra-Ewropea hija neċessità, bħalma hu t-tagħlim tal-lingwi barranin fil-kuntest tal-istrateġija Ewropea għall-multilingwiżmu. Għaldaqstant, l-interess ta’ approċċ konġunt fir-rigward tas-suġġett tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi huwa neċessità kemm biex nindirizzaw il-kwistjoni iżda wkoll, u fuq kollox, biex il-politiki nazzjonali dwar l-edukazzjoni ma jibqgħux separati u biex sa fl-aħħar inkunu nistgħu niżviluppaw il-potenzjal tal-integrazzjoni Ewropea mil-lat ta’ potenzjal uman.

5.2

L-iskejjel u l-universitajiet għandhom jingħataw aktar għajnuna sabiex jipprovdu taħriġ kontinwu u mhux biss taħriġ bażiku. Pereżempju, ħlief għal xi Stati Membri, l-istituzzjonijiet edukattivi mhumiex eliġibbli biex jirċievu għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programmi strutturali għall-iżvilupp tar-riżorsi umani. Madankollu, l-esperjenza tal-pajjiżi fejn dan huwa possibbli turi li din l-inizjattiva tista’ tagħti kontribut pożittiv sinifikanti għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom mal-intrapriżi, kif ukoll għall-iżvilupp tal-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

5.3

Il-problema prinċipali tal-programmi Ewropej hija n-nuqqas ta’ ambizzjoni minħabba baġit strett. Għaldaqstant, minflok ma sempliċiment nirrakkomandaw programm Ewropew ieħor li jilħaq udjenza żgħira u li jaffettwa biss sezzjoni żgħira ħafna u elitista tal-pubbliku, jaqbel li jiġi adottat approċċ sistemiku bbażat fuq mekkaniżmi aktar sempliċi (u mhux burokratiċi kif sikwit ikunu l-programmi Ewropej) iżda wkoll aktar ambizzjużi flimkien ma’:

qafas politiku ġenerali soġġett għall-approvazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-imsieħba soċjali, tal-PE, tal-Kunsill Ewropew u tal-KESE;

għodod Ewropej għall-identifikazzjoni tas-swieq u tas-setturi li għandhom bżonn kbir ta’ persuni kkwalifikati;

skambji ta’ prattika tajba inklużi t-tagħlim tekniku, it-taħriġ tul il-ħajja u r-riċerka;

faċilitajiet ta’ “boroż Ewropej” iffinanzjati mill-UE, l-Istati Membri, u s-settur privat jew volontarju u li jikkonċernaw il-pubbliku ġenerali speċjalment il-minoritajiet u ż-żgħażagħ żvantaġġati: dan jista’ jinvolvi apprendistati prattiċi u proġetti għall-promozzjoni tax-xogħol u l-innovazzjoni;

it-tħejjija ta’ sistemi ta’ referenza komuni għad-diplomi jew il-kwalifiki professjonali, u ta’ netwerks ta’ inizjattivi lokali transkonfinali;

il-ħolqien ta’ netwerks Ewropej ta’ medjaturi biex jiffaċilitaw is-sħubijiet;

adattament tal-fondi Ewropej u l-programmi eżistenti biex jintlaħaq dan il-għan.

5.4

L-integrazzjoni Ewropea hija għodda importanti li tippermetti l-iskambju tal-esperjenzi u twessa’ l-potenzjal sabiex l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna jingħataw qafas usa’ u aktar għani filwaqt li toffri lill-intrapriżi suq intern li jipprovdilhom potenzjal ta’ żvilupp. Il-proċess ta’ Praga, li jirreferi għall-konferenza dwar “Is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem” li ser tinżamm fis-6 u s-7 ta’ April fi Praga fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Ċeka, jista’ jipprovdi spinta politika u pjan direzzjonali operattiv.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 868/3 “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa” {SEC(2008) 3058}.

(2)  Opinjoni esploratorja ta-KESE dwar “Intejbu l-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa”, rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 224, 30.08.2008).

(3)  http://ec.europa.eu/education/policies/2010/natreport08/council_fr.pdf - Rapport tal-31 ta’ Jannar 2008 tal-Kumitat COREPER fi ħdan il-Kunsill – Abbozz ta’ rapport ta’ progress konġunt 2008 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma ‘Edukazzjoni u Taħriġ 2010’, 5723/08.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol (opinjoni esploratorja)

2009/C 228/03

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2008, il-President Ċek talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni dwar

l-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol” (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura DRBALOVÁ.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-mobbiltà fl-Ewropa għandha tibqa’ prijorità politika għall-UE, partikolarment fi żmien meta l-Ewropa qed taffronta l-isfidi tal-globalizzazzjoni u tal-bidliet teknoloġiċi filwaqt li għaddejja minn żvilupp demografiku negattiv f’kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika. L-approċċ li ġie adottat biex tissaħħaħ il-mobbiltà għandu jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-Istati Membri differenti, iżda għandu jiġi kkoordinat b’mod effikaċi fuq livell Ewropew, jibbenefika minn sostenn nazzjonali u jkun trasparenti. Id-dispożizzjonijiet adottati għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ kunċett ġdid ta’ mobbiltà ekwa u bbilanċjata, kif ukoll għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-forom ġodda tagħha.

1.2

Il-KESE jappoġġja bi sħiħ il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-mobbiltà fil-qasam tax-xogħol (2007–2010), u jikkunsidra li dan huwa strument li permezz tiegħu jistgħu jingħelbu l-ostakoli li għad hemm u jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi.

1.3

Fl-istess ħin, il-Kumitat jinsab sodisfatt bl-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li fl-2009 tippubblika Green Paper dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ, u jistenna b’entużjamu r-riżultati u l-konklużjonijiet tad-dibattitu pubbliku.

1.4

Il-KESE jitlob li jiġi sfruttat totalment il-potenzjal tas-sistema EURES (European Employment Services) u li jiġu adottati miżuri oħra b’mod speċjali bil-ħsieb li jitjiebu l-kwalità, il-firxa u l-aċċessibbiltà tas-servizzi u tal-informazzjoni disponibbli, kif ukoll li titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini Ewropej u speċjalment tal-intrapriżi Ewropej. Fl-istess ħin, jirrakkomanda lill-KE tanalizza r-raġunijiet li jispjegaw għala xi kategoriji ta’ ħaddiema, speċjalment il-ħaddiema bi ftit kwalifiki jew xejn, jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir tat-total tal-utenti tal-“portal”.

1.5

Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw id-dimensjoni tal-mobbiltà fid-deċiżjonijiet politiċi kkonċernati kollha, u jinkludu, skont il-linji-gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi  (1), l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija nazzjonali tagħhom u fil-programm nazzjonali tar-riformi tagħhom. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jimplimentaw il-programmi ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol li tħeġġeġ il-mobbiltà.

1.6

B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-isforz li s-sigurtà soċjali tiġi kkoordinata bl-aktar mod effiċjenti possibli fil-livell Komunitarju, u jifraħ lill-Presidenza Franċiża għar-riżultati sodisfaċenti li nkisbu fin-negozjati tal-emendi tar-Regolament 883/2004 (2) li huma konformi mal-konklużjonijiet tad-diskussjoni dwar id-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni. Il-KESE jitlob mill-ġdid li d-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-istess Regolament tidħol fis-seħħ immedjatament, bil-ħsieb li t-titjib u s-semplifikazzjoni li tagħti lill-mobbiltà jidħlu fis-seħħ mill-iktar fis possibli.

1.7

Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament 883/2004, il-Kumitat jirrakkomanda li waħda mill-opinjonijiet futuri tiegħu tiffoka b’mod partikolari dwar kif dan id-dokument ikun koerenti mar-Regolament 1612/68 KEE (3), mad-Direttiva 2004/38/KE u mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja b’għan li jkun hemm aktar trasparenza, sigurtà legali u rispett tal-prinċipju tal-ugwaljanza mill-Istati Membri.

1.8

Għalkemm laqa’ b’mod favorevoli l-proposta tad-Direttiva dwar kemm id-drittijiet jistgħu jiġu inklużi fil-qafas tas-sistemi professjonali tal-pensjoni (4), li tikkostitwixxi kontribut ġdid mill-Kummissjoni Ewropea għaż-żjieda fil-mobbiltà transkonfinali fl-UE, il-KESE wera dubbji serji dwar il-kontenut tagħha. Il-Kumitat jaħseb li fil-fatt, il-kontenut tad-Direttiva mhux ser jikkontribwixxi biex jiġu eliminati l-ostakoli prinċipali għall-mobbiltà transkonfinali fir-rigward tat-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni u tat-taxxa doppja. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet oħra li jwasslu għal żjieda fin-nefqa għall-ġestjoni tas-sistemi tal-pensjoni u għalhekk jheddu l-iżvilupp futur tagħhom.

1.9

B’konformità mar-riżultati tar-rapport ta’ Lulju 2008 dwar il-vantaġġi tal-Europass, il-Kumitat jirrakkomanda lill-KE biex tanalizza r-raġunijiet li jispjegaw il-perċentaġġ żgħir ta’ utenti bi ftit kwalifiki. Il-Kumitat jistieden ukoll għal sfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-istrumenti kollha tal-Europass, u speċjaliment tal-Mobbiltà tal-Europass, permezz ta’ koordinazzjoni Ewropea aktar b’saħħitha, sostenn nazzjonali, parteċipazzjoni tal-partijiet kollha involuti, u trasparenza akbar. Fir-rigward tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), il-Kumitat iqis li huwa importanti li jinħolqu rabtiet mas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) fil-qasam tal-edukazzjoni superjuri, it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ in ġenerali. Sabiex il-QEK iwassal għal valur miżjud, għandu jibqa’ sempliċi, affidabbli u jgħin b’mod effiċjenti lill-intrapriżi biex isibu l-ħaddiema barranin li jkunu jeħtieġu.

1.10

Il-KESE nnota b’interess it-tieni rapport tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-perjodi tranżitorji għall-Istati Membri l-ġodda, u jistieden lill-Istati Membri li għadhom japplikaw sistema tranżitorja għall-moviment ħieles tal-persuni biex jirrispettaw il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport kif ukoll il-proċeduri li jirriżultaw mit-trattati. Din hija kundizzjoni indispensabbli biex tiġi applikata l-idea ta’ “mobbiltà ekwa” (“fair mobility”), biex jiġi eliminat id-dumping soċjali u x-xogħol mhux iddikjarat.

1.11

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jinħoloq kumitat ta’ esperti għall-ħaddiema stazzjonati, bir-responsabbiltà li janalizza l-kwistjonijiet tekniċi marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva, u min-naħa l-oħra, l-istedina li saret lill-imsieħba soċjali Ewropej biex ifasslu analiżi komuni tal-effett tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

1.12

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għad-dewmien fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali fl-Istati Membri (id-data għad-dħul fis-seħħ kienet is-27 ta’ Ottubru 2007).

1.13

Il-KESE jikkunsidra li l-proposti leġiżlattivi attwali tal-Kummissjoni Ewropea bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-migrazzjonijiet ekonomiċi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma sforz ieħor mill-Kummissjoni biex tippromovi l-mobbiltà u l-migrazzjoni ekonomika fl-Ewropa. Id-drittijiet u d-dmirijiet previsti għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-proposta għal Direttiva, ibbażati fuq it-trattament ugwali, jirrappreżentaw bażi tajba għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mal-immigrazzjoni u għandhom jiġu estiżi għall-kategoriji kollha ta’ ħaddiema migranti. Il-KESE jikkunsidra l-miżuri interim li jillimitaw temporanjament il-moviment liberu tal-ħaddiema mill-Istati Membri ġodda bħala deroga li għandha titneħħa minnufih (5).

1.14

Il-KESE jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija tal-imsieħba soċjali Ewropej u jipprevedi li dawn għandhom jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tisħiħ tal-mobbiltà bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u tiżdied il-kompetittività fl-UE.

1.15

Il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jaħdmu flimkien ħalli jħejju, jimplimentaw, isegwu u jevalwaw programmi ta’ integrazzjoni soċjali mill-ġdid li, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, huma indirizzati għaċ-ċittadini – u għall-familji tagħhom – li qed jirritornaw fl-Istat fejn kienu jgħixu qabel, wara li jkunu ħadmu għal xi żmien f’pajjiż ieħor tal-Unjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat l-2006 bħala s-“Sena Ewropea għall-mobbiltà tal-ħaddiema”. Din l-inizjattiva kellha l-għan li tagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar konxji tal-opportunitajiet tal-impjiegi fi ħdan l-UE kif ukoll tad-drittijiet u d-doveri tagħhom.

2.2

Il-mobbiltà taċ-ċittadini, bħala dritt għall-moviment ħieles, għandha l-għeruq fil-liġi primarja tal-Komunità Ewropea; barra minn hekk, hija wieħed mill-iktar objettivi importanti tal-Istrateġija ta’ Liżbona u waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol  (6).

2.3

Din l-inizjattiva għalhekk tkompli tibni u tiżviluppa numru ta’ miżuri preċedenti tal-UE, speċjalment il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ħiliet u l-Mobbiltà  (7) adottat mill-Kummissjoni fl-2002, u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi il-ġdid (2007–2010)  (8) li jirrifletti r-realtà l-ġdida u l-isfidi li qed tiffaċċja attwalment l-Ewropa.

2.4

Matul l-ewwel nofs tal-2009, il-Presidenza tal-UE hija f’idejn ir-Repubblika Ċeka, li bħala għan prinċipali tħaddan “L-Ewropa mingħajr ostakoli”. Għalhekk il-Presidenza Ċeka stiednet lill-KESE jfassal erba’ opinjonijiet esploratorji bil-ħsieb li jiġu definiti l-ostakoli li għad hemm fl-oqsma differenti tas-suq intern tal-UE. U wieħed mill-oqsma li qed jiġi analizzat huwa dak tal-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa.

2.5

Il-Presidenza Ċeka ser kompli bl-isforzi tagħha biex iżżid il-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa. Fil-qafas tal-prijoritajiet tagħha, hija għandha tieħu ħsieb, b’mod speċjali, li twettaq dak kollu possibli għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan l-UE, tippromovi u żżid il-mobbiltà professjonali u ġeografika tal-ħaddiema fil-kuntest ta’ suq uniku, kif ukoll tlesti l-ħidma li bdiet dwar il-modernizzazzjoni tar-regolamenti għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti.

2.6

Il-Presidenza Ċeka tisħaq li l-perjodi tranżitorji li attwalment qed jiġu applikati għall-moviment ħieles tal-ħaddiema jwasslu għal impatti negattivi. Hija tqis li t-twettiq sħiħ tal-potenzjalitajiet tal-ħaddiema u l-flessibbiltà tass-suq Ewropew tax-xogħol jiffurmaw elementi essenzjali tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fl-Ewropa (2008) jirriżulta li l-prestazzjoni ekonomika soda, li bdiet fl-Unjoni Ewropea fl-2006 ġġenerat numru ta’ riżultati promettenti fl-2007: tkabbir tal-PGD ta’ 3.1 % u l-ħolqien ta’ 3.5 miljun impjieg ġdid. L-impjieg żdied fil-pajjiżi kollha membri tal-UE, minbarra fl-Ungerija, u r-rata medja tax-xogħol fl-UE kienet ta’ 65.4 % għall-2007. Ir-rata tal-qgħad stabbilizzat taħt l-10 %, ħlief fl-Islovakkja. Iż-żewġ proċessi ta’ tkabbir tal-UE fl-2004 u fl-2007 kellhom effett pożittiv fuq l-ekonomija Ewropea u ma fixklux is-swieq tax-xogħol tal-UE-15. L-istatistiċi jndikaw ukoll sinerġija bejn il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-produttività u l-kwalità tal-impjiegi.

3.2

Fl-2008, l-UE ntlaqtet b’mod ħażin ħafna minn kriżi finanzjarja globali. Kemm il-familji kif ukoll l-intrapriżi għaddejin minn taħt pressjoni qawwija, l-istess bħas-swieq tax-xogħol. Il-previżjonijiet ekonomiċi jindikaw li dalwaqt ikun hemm tkabbir b’rata żero u r-riskju ta’ dipressjoni ekonomika għall-UE fl-2009. Iż-żona euro u xi Stati Membri diġà għaddejjin minn reċessjoni. F’Diċembru, il-Kunsill tal-UE aċċetta Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku  (9), ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, fejn jiġu proposti għaxar miżuri f’erba’ oqsma prijoritarji, li jinkludu inizjattiva Ewropea importanti li tippromovi il-qasam tax-xogħol.

3.3

L-isfida permanenti għall-Ewropa u l-UE hija t-tendenza demografika negattiva attwali u t-tixjiħ tal-ħaddiema, fatturi li fil-futur ser ikollhom effetti fundamentali fuq il-kompetittività Ewropea. Biex tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni, hemm bżonn li jiġi adottat approċċ kumpless, u fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, u fl-istess ħin estremament sensittiv. Kull Stat Membru għandu jadotta taħlita ta’ politiki nazzjonali sabiex jissaħħu s-swieq inklużivi tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kategoriji vulnerabbi fis-suq tax-xogħol, jiġifieri il-ħaddiema anzjani, iż-żgħażagħ, l-immigranti u l-persuni b’diżabbiltà. F’dan ir-rigward, il-komunikazzjonijiet tal-KE juru li l-UE għad fadlilha progress xi twettaq fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni esistenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni (10).

3.4

Għal din ir-raġuni, it-tqajjim mill-ġdid tas-swieq Ewropej tax-xogħol u l-għajnuna għall-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa ser jibqgħu jirrappreżentaw, għall-futur, wieħed mill-elementi prinċipali tal-istrateġija Ewropea għall-impjieg. Minkejja l-inizjattivi u l-azzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri, il-mobbiltà fl-UE għadha dejjem tard fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-2000 f’Liżbona li skonthom l-Ewropa għandha ssir l-ekonomija bbażata fuq l-aktar għarfien kompetittiv fid-dinja.

3.5

Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea għall-mobbiltà għall-2007–2010 għandu l-għan li janalizza s-sitwazzjoni fid-dawl tal-isfidi marbuta mal-globalizzazzjoni, il-bidla demografika u l-iżvilupp tat-teknoloġiji ġodda; ser jindirizza wkoll l-ostakoli eżistenti għall-mobbiltà fl-Ewropa, jidentifika t-tendenzi ġodda fil-mudelli ta’ mobbiltà u jiddefinixxi l-azzjonijiet meħtieġa.

3.6

Fil-pjan tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ser tikkonċentra b’mod speċjali fuq:

it-titjib tal-leġiżlazzjoni u tas-sistema amministrattiva attwali. L-azzjonijiet huma maħsuba speċjalment biex il-leġiżlazzjoni komunitarja tiġi adattata għall-bżonnijiet u l-kondizzjonijiet attwali, jissaħħaħ l-istatus u l-kapaċità analitika tan-netwerk tat-TRESS (11), u jitjiebu l-kooperazzjoni u l-iżvilupp amministrattivi bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

appoġġ politiku akbar għall-mobbiltà min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, speċjalment fir-rigward tal-investiment fil-programmi eżistenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u l-iżvilupp tal-mekkaniżmi adattati li jservu ta’ inċentivi għall-mobbiltà tal-ħaddiema;

it-tisħiħ, l-appoġġ u t-titjib tal-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-EURES (12), u t-tkabbir tad-dimensjoni strateġika ta’ din is-sistema biex jiġi kkonsolidat il-potenzjal analitiku tagħha fil-qasam tal-fluss tal-mobbiltà u tal-bidliet li jaffettwaw is-suq tax-xogħol;

it-trawwim tal-għarfien tal-vantaġġi tal-mobbiltà permezz ta’ proċeduri innovattivi, temendi fil-proċeduri tal-informazzjoni u l-introduzzjoni ta’ eżempji ta’ prattiki tajba.

3.7

Il-fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, EUROFOUND, waħda mill-aġenziji tal-Kummissjoni Ewropea li jaġdmu fuq bażi tripartitiku, saret pjattaforma unika għall-analiżi u r-riċerka fil-qasam tal-appoġġ għall-mobbiltà fl-Ewropa, kif ukoll sabiex tidentifika l-ostakoli eżistenti u l-isfidi ġodda marbuta mal-bidliet fis-suq tax-xogħol.

3.8

S’issa, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għadu ma fassalx opinjoni komprensiva dwar il-mobbiltà u l-ostakoli għaliha fl-Ewropa. Madankollu, fil-qafas tal-attivitajiet tiegħu bħala korp konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea, il-KESE rreaġixxa b’deċiżjoni għall-messaġġi l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni li għandhom rabta maċ-ċirkolazzjoni tal-ħaddiema fl-Ewropa billi ħejja sensiela ta’ opinjonijiet importanti (13).

3.9

Anke l-imsieħba soċjali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu. Huma jagħtu importanza fundamentali għall-mobbiltà fl-Ewropa u għat-tneħħija tal-ostakoli li qed jaħdmu kontriha u għalhekk inkludew dan kollu fil-Programm ta’ Ħidma Komuni għall-2003–2005 tagħhom. Inizjattivi oħra marbutin li żviluppaw u xi testi li fasslu flimkien ikkontribwixxew biex jiġu identifikati ċerti ostakoli għall-mobbiltà fl-UE.

4.   Fatti u ċifri: ir-riċerka tal-Eurofound

4.1   L-analiżi tal-Eurofound, ibbażata fuq ir-riżultati tal-Ewrobarometru (14), turi numru ta’ elementi li huma fundamentali biex jinftiehmu aħjar l-imġiba u l-mod kif jaħsbuha ċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-mobbiltà u l-immigrazzjoni fl-Ewropa:

iċ-ċittadini Ewropej għadhom iqisu d-dritt tagħhom tal-moviment ħieles tal-persuni u l-ħaddiema bħala l-vantaġġ u l-benefiċċju prinċipali tal-UE (53 % tal-persuni li ġew interrogati);

minkejja l-appoġġ qawwi li l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE jagħtu lill-idea tal-mobbiltà fl-Ewropa, f’xi Stati Membri għad hemm preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu minħabba l-migrazzjoni ekonomika mill-Istati Membri l-ġodda;

hemm biss madwar 2 % tal-ħaddiema Ewropej (l-UE tal-25) li twieldu fi Stat Membru differenti minn dak fejn attwalment għandhom l-impjieg;

kważi 4 % tal-popolazzjoni Ewropea ġa kienet residenti f’xi Stat Membru ieħor, filwaqt li 3 % tal-persuni għexu f’xi mument jew ieħor barra l-UE.

4.1.1   Dwar il-mobbiltà ġeografika, ir-riċerka uriet li fl-Ewropa, il-mobbiltà transkonfinali mhijex daqstant frekwenti. Ir-riżultati jindikaw li l-Ewropej joqogħdu medja ta’ madwar għaxar snin fl-istess dar, filwaqt li dan il-perijodu huwa relattivament iqsar fil-każ taż-żgħażagħ, u itwal għall-persuni ikbar fl-età. Skont ir-riċerka, ma nistgħux nistennew xi bidliet sinifikanti fil-futur qarib.

4.1.2   Ir-raġuni li twassal għall-mobbiltà tibqa’ essenzjalment ix-xewqa li wieħed isir jaf persuni ġodda u postijiet ġodda. Madankollu, għal aktar minn terz (38 %) tal-persuni li qed jaħsbu li jmorru jgħixu f’xi pajjiż barrani, ir-raġunijiet prevalenti huma dawk ekonomiċi (il-flus, il-kwalità tal-impjieg). Fl-Istati Membri l-ġodda, ir-raġuni ekonomika tibqa’ dik l-aktar b’saħħitha, iżda l-kunsiderazzjonijiet li huma marbuta mal-impjieg iwassalhom biex ikollhom ix-xewqa li jibbenefikaw (jew jabbużaw) mill-vantaġġi soċjali jew mis-servizzi pubbliċi li jkunu ta’ kwalità ogħla. Min-naħa l-oħra, il-fattur prinċipali li jaqta’ qalb in-nies fir-rigward tal-mobbiltà huwa dak tal-biża’ li jitilfu r-rabtiet soċjali (il-kuntatt limitat mal-familja tagħhom u t-telf tas-sostenn tagħhom). Fost il-fatturi l-oħra li jillimitaw il-mobbiltà hemm ukoll il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi u tal-kura tas-saħħa.

4.1.3   Sfidi għall-futur. Il-mobbiltà ġeografika tibqa’ l-objettiv prinċipali tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-mobbiltà tkun dgħajfa wisq dan ifisser li jista’ jkun hemm livell iktar baxx ta’ adattabilità u kompetittività. Għall-kuntrarju, mobbiltà eċċessiva bejn reġjuni fqar u oħrajn aktar sinjuri, tista’ tħalli effett fuq is-swieq tax-xogħol (nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, żjieda fil-qagħad, it-tluq tal-aktar persuni kompetenti).

4.1.4   Sors importanti ta’ informazzjoni f’dan il-kuntest huwa l-istudju li ġie ppubblikat mid-DG EMPL tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem ta’: “Il-mobbiltà ġeografika fi ħdan l-Unjoni Ewropea: kif isir l-aħjar użu mill-vantaġġi ekonomiċi u soċjali tagħha” (15). Skont dan l-istudju, il-politiki intiżi għat-tkabbir tal-mobbiltà ġeografika għandhom isegwu żewġ objettivi: 1) it-tkabbir tal-vantaġġi mistennija mill-mobbiltà u 2) it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-mobbiltà għall-individwu. L-istudju jikkonċentra l-ewwel nett fuq il-fattur ekonomiku tal-mobbiltà ġeografika u fuq kif din taħdem bħala mezz biex jiġu eliminati d-differenzi bejn is-swieq tax-xogħol reġjonali (impjieg, salarji reali, nuqqas ta’ ħaddiema).

4.1.5   Rigward il-mobbiltà, il-medja ta’ impjiegi li persuna jkollha matul il-karriera kollha tagħha hija ta’ 3.9; it-tul medju għal kull wieħed minn dawn l-impjiegi huwa dak ta’ 8.3 snin. Matul is-sena li għadha kif għaddiet, 8 % tal-persuni li sarulhom il-mistoqsijiet kienu bidlu l-impjieg tagħhom, 32 % kienu għamlu dan matul il-5 snin ta’ qabel u 50 % matul l-aħħar 10 snin.

4.1.6   Rigward il-prospetti għall-futur, l-istudju wera li 41 % tal-persuni li wieġbu l-mistoqsijiet kienu qed jistennew bidla f’dawk li jimpjegawhom fil-ħames snin li ġejjin, li 54 % tal-persuni li wieġbu l-mistoqsijiet ma kinux qed jistennew l-ebda bidla fl-impjieg u li l-5 % l-oħra kienu indeċiżi. Jistgħu jiġu definiti tliet raġunijiet fundamentali li għalihom in-nies jistennew li jkollhom bidla f’dawk li jimpjegawhom fil-ħames snin li ġejjin: ix-xewqa għal bidla u d-deċiżjoni volontarja, id-deċiżjoni mhux volontarja jew id-deċiżjoni newtra li tittieħed skont il-pressjoni li tinħoloq miċ-ċirkustanzi.

4.1.7   L-istudju wera li fost in-numru totali ta’ tibdil fl-impjieg għal ieħor fil-ħames snin li ġejjin, 65 % ser jagħmlu dan fuq deċiżjoni volontarja. Il-mobbiltà volontarja minn impjieg għal ieħor tikkontribwixxi biex ikun hemm żvilupp aħjar tal-kompetenzi tal-ħaddiema u tinforza l-ħila tagħha fl-impjieg, fl-istess ħin li ttejjeb il-prospettivi tagħhom fil-karriera u fil-paga.

4.1.8   Studju intitolat: “Il-mobbiltà fil-qasam tax-xogħol fl-UE: kif isir l-aħjar użu mill-vantaġġi soċjali u ekonomiċi tagħha (16) wassal għal riżultati interessanti. Dan l-istudju jservi bħala bażi għal dibattitu bejn l-Istati Membri dwar il-kwistjoni kif jistgħu jittejbu l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-mobbiltà fl-impjieg. L-istudju janalizza s-sitwazzjoni u d-differenzi bejn is-27 pajjiż tal-UE, josserva l-fatturi ekonomiċi li huma marbuta direttament mal-produttività, is-salarji, l-innovazzjoni u l-impjieg, kif ukoll il-fatturi li għandhom rabta mal-kwalità tax-xogħol u mal-koeżjoni soċjali.

5   Osservazzjonijiet partikolari

5.1   L-inizjattivi u d-dispożizzjonijiet intiżi biex jiffaċilitaw u jsaħħu l-mobbiltà tal-ħaddiema u biex jinstab bilanċ iktar effettiv bejn id-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol huma essenzjali fuq żewġ livelli. Dawn il-miżuri mhux biss jgħinu s-suq tax-xogħol jiffunzjona aħjar u jindirizzaw il-bżonnijiet tiegħu iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi.

5.2   Minkejja li ċ-ċittadini Ewropej dejjem emmnu fil-prinċipju tal-moviment ħieles, u l-maġġoranza kbira rrikonoxxiet li mhuwiex realistiku li wieħed jittama li jibqa’ fl-istess impjieg tul ħajtu kollha, ir-riżultati tal-istudju jindikaw li dejjem tibqa’ firxa sħiħa ta’ ostakoli li ma jħallux lill-ħaddiema jiċċaqilqu b’mod ħieles minn pajjiż għal ieħor jew li jegħlbu r-riskji sabiex isibu impjieg ġdid ta’ kwalità aħjar.

5.3   Fost il-ħafna ostakoli għall-mobbiltà, jistgħu jissemmew:

ħiliet lingwistiċi limitati,

kompetenzi u għarfien li huma żviluppati ftit jew mhux żviluppati biżżejjed,

nuqqas ta’ għarfien tat-taħriġ u tal-kwalifiki professjonali li jkunu nkisbu fi Stati Membri oħra,

ostakoli legali u amministrattivi,

diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji biex it-tnejn li huma jsibu impjieg sostenibbli,

informazzjoni frammentata dwar l-offerti tal-impjiegi jew in-nuqqas ta’ trasparenza rigward il-possibbiltajiet tat-taħriġ u tax-xogħol,

infrastrutturi tat-trasport li ma jkunux adegwati,

nuqqas ta’ offerti fis-suq ta’ akkomodazzjoni, u l-prezzijiet li jintalbu fl-istess suq

reċentement, in-nuqqas ta’ kunfidenza u l-ksenofobija.

5.4   Għad fadal sett sħiħ ta’ ostakli li ser ikollhom jitneħħew sabiex tiġi appoġġjata l-mobbiltà fl-Ewropa. Il-KESE jemmen li politiki effettivi għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-ħaddiema għandhom iħaddnu dawn l-elementi li ġejjin:

5.4.1

L-ewwel nett, jaqbel li jiġi żgurat li jkun hemm fehim aħjar dwar l-ostakoli għall-mobbiltà ġeografika u professjonali u għall-miżuri ta’ appoġġ maħsuba. F’dawn l-aħħar snin, saru xi sforzi fl-Ewropa biex jiġu identifikati u indirizzati l-ostakoli għall-mobbiltà tal-ħaddiema. Madankollu, ikun ferm utli li jkollna informazzjoni dettaljata minn studji li jkunu saru kemm fuq livell Ewropew u fuq livell tal-Istati Membri, dwar l-ambitu, il-karattru u l-karatteristiċi ewlenin tal-ostakoli għall-mobbiltà kif ukoll l-impatt ekonomiku tagħhom.

5.4.2

It-tieni nett, huwa fundamentali li tiġi applikata l-filosofija tal-flessigurtà fis-swieq tax-xogħol fl-Ewropa. L-esperjenza turi li l-pajjiżi li japplikaw tajjeb din il-filosofija jibbenefikaw minn adattament akbar għat-tibdil fuq livell globali. F’dan il-kuntest, il-mobbiltà għandha tinftiehem f’sens li hija tikkostitwixxi wieħed mill-elementi flessibbli li jwasslu għal titjib fl-impjiegi, l-adattament tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-intrapriżi f’kuntest internazzjonali. L-organizzazzjoni tax-xogħol għandha tirreaġixxi aħjar għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi u tal-ħaddiema, u tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ mobbiltà.

5.4.3

It-tielet nett, huwa indispensabbli li s-sistemi tal-edukazzjoni jiġu adattati skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Għandu jissaħħaħ l-approċċ b’rabta ma’ sistema effiċjenti ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha tal-ħaddiema. Illum il-ġurnata, is-swieq tax-xogħol jimxu dejjem aktar skont il-bidliet mgħaġġla u d-domanda għall-kwalifiki ġodda. Iktar u iktar nies ser ikollhom jadattaw għal żvilupp fl-impjieg u l-karriera tagħhom, billi jiksbu kwalifiki ġodda u differenti. B’hekk, l-individwi ser ikollhom jiżviluppaw u jtejbu l-kompetenzi tagħhom bil-għan li jibqgħu jiġu kkunsidrati adatti għax-xogħol u biex jadattaw ruħhom għall-iżviluppi tas-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward, għandha tingħata prijorità lil numru ta’ inizjattivi; għandu jiġi kkunsidrat b’mod speċjali:

li tingħata garanzija li l-individwi jkollhom l-għarfien u l-kompetenzi neċessarji qabel ma dawn joħorġu mis-sistema edukattiva;

li l-persuni jiġu motivati li jkunu personalment responsabbli ukoll għat-titjib tal-kompetenzi tagħhom matul ħajjithom kollha u sabiex joħolqu kondizzjonijiet qafas li jippermettulhom li jagħmlu dan;

li l-edukazzjoni ssir aktar attraenti, aktar flessibli u li tadatta aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

f’dan ir-rigward, hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lil xi kategoriji ta’ ħaddiema: iż-żgħażagħ, il-ħaddiema li avvanzati fl-età;

li jiġi applikat il-prinċipju ta’ sħubija bejn il-partijiet interessati: l-Istat, l-imsieħba soċjali, l-istituti edukattivi u l-intrapriżi.

5.4.4

Ir-raba’ ħaġa, hemm bżonn li jiġu żviluppati aktar is-sistemi ta’ sigurtà soċjali biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-ħaddiema bejn sitwazzjonijiet differenti fis-suq tax-xogħol fl-UE u li ma jwaqqfux lin-nies milli jitilqu lejn Stati Membri oħra biex hemm isibu impjieg aħjar. F’dan il-każ, il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar il-prinċipju tal-flessigurtà, speċjalment għax dan ifisser li l-individwi jista’ jkollhom aktar ċans li jsibu impjieg bil-għan li huma jkunu jistgħu jadattaw ruħhom aħjar għall-iżviluppi tas-suq tax-xogħol u li jaħtfu l-offerti tax-xogħol li jkunu tal-aħjar kwalità. Fi ftit kliem, dan ifisser li jinħolqu impjiegi ġodda, tingħata l-għajnuna lill-ħaddiema hekk kif jinbidlu l-impjiegi matul il-karriera tagħhom u jitjiebu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-esperjenza turi li attwalment, l-iktar għan importanti mhuwiex li nieħdu approċċ passiv bħaż-żjieda fil-benefiċċji, iżda li nissemplifikaw ir-reklutaġġ tal-impjegati billi nnaqqsu l-burokrazija, ninvestu fil-ħiliet u napplikaw politiki attivi fis-suċ tax-xogħol.

5.4.5

Il-ħames ħaġa, huwa meħtieġ li jinsab rimedju għall-ostakoli leġiżlattivi, amministrattivi u fiskali li jillimitaw il-mobbiltà ġeografika u professjonali billi:

napplikaw miżuri speċifiċi b’rabta mal-moviment ħieles tal-ħaddiema biex jiġi garantit aċċess għal impjieg mingħajr diskriminazzjoni;

inħeġġu lill-Istati Membri jħaffu u jimplimentaw id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (17) u noħolqu qafas Ewropew ta’ kwalifiki professjonali;

jittieħdu miżuri biex ikun hemm prevenzjoni kontra t-taxxa doppja fis-sistemi ta’ pensjonijiet addizzjonali;

tinsab soluzzjoni għall-problemi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-qasam fiskali (u tal-benefiċċji soċjali);

biex jitneħħew l-ostakoli tal-mobbiltà, għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-persuni b’diżabilità;

għandhom jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet partikolari tan-nisa li għandhom it-tfal u li jieħdu ħsieb xi persuni oħra.

5.4.6

Is-sitt ħaġa, iċ-ċittadini Ewropej għandhom jibbenefikaw minn aċċess iktar faċli għal informazzjoni ta’ kwalità dwar il-possibbiltajiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni. Għalkemm l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol hija disponibbli fi kwantitajiet kbar, rari tingħata prijorità lill-informazzjoni marbuta mal-possibbiltajiet tax-xogħol u l-edukazzjoni; ħafna drabi din l-informazzjoni ma teżistix jew diffiċli jkun hemm aċċess għaliha. Is-sistema ta’ informazzjoni Ewropea li tinkludi l-possibbiltajiet tax-xogħol u tat-taħriġ hija essenzjali biex iċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu jistgħu jagħmlu għażla tajba meta jiġu biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet, biex jisfruttaw l-opportunitajiet, u b’hekk isaħħu l-mobbiltà professjonali. F’dan ir-rigward, is-sit tal-Internet EURES jista’ jaqdi rwol importanti. Madankollu, dan is-sit attwalment qed jikkonsultawh ftit nies u ftit li xejn qed iqajjem kuxjenza mhux biss fiċ-ċittadini iżda wkoll fost l-intrapriżi. F’dan il-kuntenst, jaqbel li tingħata preferenza lit-titjib tal-informazzjoni dwar xi temi speċifiċi bħall-emendi jew l-adattament li jsiru lis-servizzi soċjali (skont jekk humiex statutorji jew komplementari) f’każ ta’ mobbiltà professjonali u ġeografika. Pereżempju, fir-rigward tas-sistemi tal-pensjonijiet tal-ħaddiema, ikun utli li jkun hemm aċċess għal xi informazzjoni dwar id-drittijiet li jkunu nkisbu, is-sistema fiskali applikata, jekk jistgħux jiġu trasferiti kif ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji tad-diveri approċċi (18).

5.4.7

Fl-aħħar nett, biex il-mobbiltà tiġi ffaċilitata, għandhom jiġu żviluppati aktar inizjattivi biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni kif ukoll l-infrastruttura tat-trasport. Huwa fundamentali li n-nies ikunu jistgħu jsibu akkomodazzjoni aċċessibbli u adegwata fil-postijiet fejn ikun hemm opportunitajiet tax-xogħol. Fl-istess ħin, sabiex il-ħaddiema jkunu aktar mobbli, huwa indispensabbli li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu infrastruttura ta’ trasport effiċjenti u flessibbli. L-Istati Membri, flimkien mal-intrapiżi, għandhom jagħtu attenzjoni lill-infiq marbuta mar-rilokazzjoni, jinħolqu u jiġu mifruxa sistemi li jappoġġjaw lil dawk il-persuni li qed ifittxu x-xogħol u li lesti jiċċaqilqu minn pajjiż għal ieħor.

5.5   Fl-2004 u l-2007 sar tkabbir li ta lill-UE għaxra u żewġ Stati Membri ġodda li fetaħ id-dibattitu dwar il-ftuħ tal-fruntieri interni u l-moviment ħieles tal-ħaddiema. Filwaqt li l-konklużjonijiet tar-riċerka li saret mill-Eurofound jikkonfermaw li l-immigrazzjoni ser tkompli bejn l-Ewropa tal-Lvant u l-Punent, il-mobbiltà ġeografika hija dgħajfa u ta’ natura temporanja.

5.5.1   L-Istati Membri li għadhom japplikaw il-perijodi tranżitorji fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati li daħlu fl-UE fl-2004 għandhom jindikaw, qabel l-1 ta’ Mejju 2009, jekk humiex bi ħsiebhom jidħlu fit-tielet fażi u jkomplu japplikaw dawn il-perijodi għal sentejn oħra. Fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija, iż-żmien li ngħata lill-Istati Membri biex jistqarru l-intenzjonijiet tagħhom kien il-31 ta’ Diċembru 2008 (19). Għalhekk il-KESE nnota b’interess it-tieni komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Novembru 2008 (20): Ir-rapport dwar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kkunsidrati fil-komunikazzjoni tat-trattat ta’ adeżjoni li, sostanzjalment, kemm jikkonferma l-konklużjonijiet tal-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tal-2006 (21). Mill-konklużjonijiet tat-tieni komunikazzjoni, jidher b’mod ċar li l-ftuħ tas-swieq tax-xogħol lill-ħaddiema li ġejjin mill-Istati Membri l-ġodda kellu effett ċar pożittiv tajjeb kemm għall-ekonomija tal-pajjiżi fejn dawn marru kif ukoll fl-UE kollha kemm hi.

5.5.2   Kull deċiżjoni dwar ir-reviżjoni tal-perijodi tranżitorji għandha tittieħed fuq livell nazzjonali u tibbaża ruħha fuq xi analiżi tal-fatti. Madankollu l-KESE jaħseb li fl-2009, meta ma jibqgħux jiġu applikati dawn il-perijodi tranżitorji, għandu jingħata inkoraġġiment għall-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol li jkunu flessibbli u inklussivi, u jista’ jkun hemm kontribut għat-tnaqqis tax-xogħol mhux iddikjarat u għall-ġlieda kontra l-faqar fl-Ewropa.

5.5.3   Aktar minn hekk, jekk jinżammu l-perijodi tranżitorji, dan jista’ jillimita l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (waqt li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor, il-persuni qiegħda jżommu d-dritt li jkomplu jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru li huwa responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji).

5.6   L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi fl-Ewropa. Il-vantaġġi li jinbtu mat-tħaddim tajjeb tas-suq intern huma essenzjali għall-intrapriżi, il-ħaddiema, iċ-ċittadini u l-ekonomija b’mod ġenerali. Dan jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-intrapriżi u jtejjeb l-aċċess għal suq li attwalment jinkludi madwar ħames mitt miljun ruħ u minn tletin pajjiż (iż-Żona Ekonomika Ewropea). L-intrapriżi Ewropej qed isiru iktar kompetittivi u kkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq dinji. Id-direttiva l-ġdida dwar is-servizzi fis-Suq Intern hija strument fundamentali biex ikompli għaddej il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-Suq Intern.

5.6.1   F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat żewġ komunikazzjonjiet (22) li jittrattaw l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tad-dispożizzjonijiet marbuta mas-servizzi. L-objettiv ta’ dawn id-dokumenti kien li tiġi analizzata s-sitwazzjoni u jingħataw ċerti orjentazzjonijiet lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jiġu applikati u interpretati b’mod korrett id-digrieti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. B’hekk setgħu wkoll jiġu eżaminati r-reċiproċità taż-żewġ strumenti u l-isfruttament tal-vantaġġi filwaqt li jiġu mħarsa l-ħaddiema stazzjonati.

5.6.2   Il-Kumitat, b’konformità mal-opinjoni preċedenti tad-29 ta’ Mejju 2008 (23), jilqa’ b’sodisfazzjon id-Deċiżjoni 2009/17/KE tal-Kummissjoni Ewropea (24) biex jitwaqqaf kumitat ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, kumitat li għandu jiffaċilita l-identifikar tal-aħjar prattika u s-soluzzjoni tal-problemi relatati mal-applikazzjoni tad-direttiva. Dan il-proċess jinvolvi wkoll il-parteċipazzjonital-imsieħba.

5.6.3   Għadd ta’ deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (fil-każijiet Laval (25), Viking (26), Rüffert (27), dwar id-direttiva 96/71/KE fuq l-istazzjonar tal-ħaddiema, qajmu kontroversji rigward id-direttiva fuq l-istazzjonar tal-ħaddiema. Għalhekk, il-Kumitat japprova l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Presidenza Franċiża, bid-data ta’ Ottubru 2008, proposta biex l-imsieħba soċjali Ewropej ifasslu flimkien analiżi li permezz tagħha tkun tista’ ssir evalwazzjoni dettaljata tal-konsegwenzi legali, ekonomiċi u soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

5.7   Koordinazzjoni u modernizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-qafas leġiżlattiv li jiggarantixxi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali huwa strument essenzjali għall-promozzjoni tal-mobbiltà fl-UE. Ir-regolament attwali 1408/71 (28) ser jiġi sostitwit bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) 883/2004, adottat f’April 2004. Skont l-artikolu 89 tiegħu, regolament ieħor jistabbilixxi kif għandu jiġi applikat. Dan it-test (COM(2006) 16) (29) ma ġiex ippreżentat qabel Jannar 2006. Ir-regolament il-ġdid ta’ applikazzjoni jaħseb prinċipalment biex id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi jsiru aktar sempliċi u razzjonali, biex jiġu ċċarati d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ dawk kollha li jipparteċipaw fis-sistemi tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, biex jiġu introdotti proċeduri aktar effiċjenti u aktar veloċi għall-iskambju tal-informazzjoni u, fl-aħħar nett, proċeduri għall-iffrankar tal-ispejjeż.

5.7.1   F’opinjoni ppubblikata fl-2006 (30), il-KESE ressaq l-argument li l-proposta l-ġdida tikkostitwixxi avvanz lejn it-titjib tal-moviment ħieles fl-UE. Il-proposta tar-regolament tinkludi numru ta’ semplifikazzjonijiet, kjarifiki u titjib. Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari il-firxa usa’ tal-kwistjonijiet u persuni trattati, kif ukoll ir-regoli għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

5.7.2   Fl-opinjoni tiegħu, il-KESE saħaq ukoll dwar in-natura sensittiva tan-negozjati fil-ħdax-il anness tar-Regolament 883/2004, li jiddefinixxi l-proċeduri li skonthom għandhom jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi. B’rabta ma’ dan, l-Istati Membri huma mħeġġa jidentifikaw dawk l-elementi tas-sistemi nazzjonali tagħhom li jixtiequ li jitneħħew mir-Regolament sabiex tiġi faċilitata koordinazzjoni mingħajr xkiel tas-sigurtà soċjali. Ilhom għaddejjin negozjati intensivi bejn l-Istati Membri dwar dan is-suġġett. Il-KESE sejjaħ għal konklużjoni mingħajr dewmien f’dan il-qasam u nnota li jekk jiġu segwiti kwistjonijiet sekondarji, dan m’għandux iwassal biex ir-regolament il-ġdid jidħol fis-seħħ tard, speċjalment għax dawn huma inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex tissaħħaħ il-mobbiltà fl-Ewropa.

5.7.3   Bħala regola ġenerali, il-qafas leġiżlattiv tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, fil-futur, għandu jirreaġixxi b’mod aktar flessibbli għar-realtà li dejjem tinbidel fid-dinja tax-xogħol, għall-forom ġodda tax-xogħol, għas-sistemi tax-xogħol li qed jinbidlu, u b’mod speċjali għall-forom ġodda ta’ mobbiltà. Jinħtieġ li jiġu infurzati l-forom ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri bbażati fuq il-proċessi elettroniċi.

5.8   B’mod ġenerali, il-migranti jibbenefikaw minn servizzi soċjali mhux biss skont ir-regolament li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali, ir-Regolament (KEE) 1612/68, iżda wkoll skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza inkluż fid-Direttiva 2004/38/KE  (31). Għaldaqstant, il-prinċipju huwa li kull min huwa intitolat għal residenza f’pajjiż barrani, għandu jkollu l-istess dritt għall-benefiċċji kollha. Ħadd m’għandu jitħalla barra mis-sistema.

5.9   Il-problema hi li l-qafas legali ġenerali huwa magħmul minn ħafna regoli li ma jkollhomx l-istess saħħa legali (regolamenti, direttivi, digrieti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja). Ir-regolamenti jiġu implimentati b’mod dirett u uniformi. Id-direttivi jiġu implimentati f’kull Stat Membru b’mod differenti. Għalhekk, fil-ġejjieni, ser ikun meħtieġ li tiġi żgurata t-trasparenza, u speċjalment il-konsistenza, tar-regoli. Ser ikun meħtieġ li jinżamm il-prinċipju tal-ugwaljanza (pereżempju, l-ugwaljanza fl-aċċess għall-vantaġġi fiskali) u tinżamm is-sigurtà legali. X’aktarx li l-qafas legali ma jiġix semplifikat, iżda jista’ jkun li jiġu evitati nuqqasijiet billi jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri; għad hemm reżistenza qawwija lejn il-possibbiltajiet f’dan ir-rigward.

5.10   Il-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalizzat hija aspett li ma jistax ma jiġix ikkunsidrat mal-moviment ħieles tal-persuni u jikkostitwixxi l-istrument prinċipali li permezz tiegħu tinħoloq żona Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

5.10.1   Il-KESE jaqbel mal-Karta Ewropea ta’ kwalità għall-mobbiltà  (32), li toriġina mill-fatt li l-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali tifforma parti integrali mill-moviment ħieles tal-persuni u li l-infurzar tal-mobbiltà Ewropea f’dan il-qasam twassal għat-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija ta’ Liżbona. Il-Karta tipproponi sensiela ta’ prinċipji u ta’ miżuri applikabbli fil-qasam tal-mobbiltà taż-żgħażagħ jew tal-adulti, għall-ħtiġijiet tal-edukazzjoni formali jew informali tagħhom u għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom.

5.10.2   Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot sensiela sħiħa ta’ strumenti effiċjenti li jgħinu l-mobbiltà fl-Ewropa fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ professjonali u tat-tagħlim matul il-ħajja kollha tal-individwu. Il-Europass (33) jirrappreżenta sensiela sħiħa kordinata ta’ dokumenti li jgħinu liċ-ċittadini Ewropej jiksbu kompetenza akbar fil-kwalifiki tagħhom u fil-kompetenzi tagħhom. L-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tal-2008 kkonferma l-effiċjenza taċ-ċentri nazzjonali u tal-“portals” tal-Internet, kif ukoll, b’mod ġenerali, il-valur miżjud tal-Europass, u identifika wkoll ċerti nuqqasijiet, speċjalment f’dawk l-istrumenti li ma tantx kienu bbażati fuq riżultati edukattivi.

5.10.3   Jaqbel li tissaħħaħ din id-dimensjoni permezz tat-twettiq tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki (QEK) għall-edukazzjoni u t-taħriġ matul il-ħajja kollha (34), qafas li kellu jiġi marbut mas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (35).

5.11   Madankollu, influss daqshekk qawwi ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi fil-kuntest tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi megħjuna l-immigrazzjoni legali, jitlob riflessjoni dwar l-isfida l-ġdida għas-sistemi edukattivi Ewropej.

5.11.1   Il-Kumitat jistenna bil-ħerqa r-riżultati li ħarġu mid-dibattitu miftuħ ta’ Lulju 2008 għall-pubblikazzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Migrazzjoni u mobbiltà: l-isfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni tal-UE (36). Dan jistieden għal analiżi tal-futur u tad-Direttiva 77/486/KEE li s’issa ttrattat biss it-tagħlim fl-iskejjel tat-tfal tal-ħaddiema migranti mill-Unjoni Ewropea.

5.12   Semplifikazzjoni tal-immigrazzjoni legali u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari ta’ persuni li minn pajjiżi terzi skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar “Approċċ globali dwar il-kwistjoni tal-migrazzjonijiet (37) ippubblikata f’Novembru 2006 tirrappreżenta kontribut ieħor li jwassal lill-Kummissjoni tinforza l-mobbiltà u l-immigrazzjoni regolari fl-Ewropa, biex tkun tista’ taffronta l-isfidi demografiċi. B’konformità mal-programm leġiżlattiv tagħha għas-sena 2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat żewġ proposti leġiżlattivi (38) biex id-dħul u l-akkomodazzjoni fl-UE ta’ migranti ekonomiċi li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi ssir aktar sempliċi. Hija ppreżentat il-proposta tagħha ta’ “karta blu” intiża biex tiġbed lejn l-Ewropa ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkollhom kwalifiki għolja. Id-drittijiet u d-dmirijiet previsti għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-proposta għal Direttiva, ibbażati fuq it-trattament ugwali fir-rigward tal-paga, il-kondizzjonijiet ta’ xogħol, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali, jirrappreżentaw bażi tajba għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mal-immigrazzjoni u għandhom jiġu estiżi għall-kategoriji kollha ta’ ħaddiema migranti. Il-KESE jikkunsidra l-miżuri interim li jillimitaw temporanjament il-moviment liberu tal-ħaddiema mill-Istati Membri ġodda bħala deroga li għandha titneħħa minnufih, speċjalment fir-rigward tax-xogħol ta’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin (39).

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-linji-gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi (2008–2010), COM(2007) 803 finali, Parti V – 2007/0300 (CNS).

(2)  Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (Test b’rilevanzai għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera) (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1–123). http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=DD:05:05:32004R0883:MT:PDF

(3)  Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2-12).

(4)  L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib fit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni komplimentari – COM(2005) 507 finali – 2005/0214 (COD).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impieg bi kwalifiki għoljin, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009)

(6)  Linji ta’ gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol (2005-2008), linja gwida nru 20, COM(2005) 141 finali – 2005/0057 (CNS)

(7)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rapport finali dwar l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Ħiliet u l-Mobilità COM(2002) 72 finali (COM(2007) 24 finali).

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar : il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010) (COM(2007) 773 finali).

(9)  Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, COM(2008) 800 finali, 26.11.2008.

(10)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjiegi u fix-xogħol, ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16–22. (Mhux disponibbli bil-Malti)

(11)  TRESS – Training and Reporting in European Social Security (Rappurtar u Taħriġ fis-Sigurtà Soċjali tal-Ewropa).

(12)  EURES – European Employment Services (Servizzi għall-Impjieg Ewropew).

(13)  Ara pereżempju : l-opinjoni dwar “Il-moviment ħieles u residenza tal-ħaddiema” (mhux disponibbli bil-Malti), rapporteur: is-Sur Vinay (ĠU C 169, 16.6.1999); l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali” (mhux disponibbli bil-Malti), rapporteur: is-Sur García Caro (ĠU C 75, 15.3.2000); l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom sabiex jiċċirkolaw u jgħixu b’mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri”, (mhux disponibbli bil-Malti) rapporteur: is-Sur García Caro (ĠU C 149, 21.6.2002); l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali” (mhux disponibbli bil-Malti), rapporteur is-Sur Greif (ĠU C 324, 30.12.2006).

(14)  Mobility in Europe: analysis of the 2005 Eurobarometer survey on geographical and labour market mobility (2006) (Il-mobbiltà fl-Ewropa: ir-riċerka tal-Eurobarometru li saret fl-2005 dwar il-mobbiltà ġeografika u dwar is-suq tax-xogħol), Uffiċċju għall-pubblikazzjonijiet uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2006.

(15)  Studju intitolat Geographical mobility within the EU: optimising its economic and social benefits (Il-mobbiltà ġeografika fi ħdan l-Unjoni Ewropea: kif isir l-aħjar użu mill-vantaġġi ekonomiċi u soċjali tagħha), April 2008, KE, DG EMPL. Kuntratt VT/2006/042.

(16)  Studju intitolat Job mobility in the EU: Optimising its Social and Economic Benefits (il-mobbiltà fil-qasam tax-xogħol fl-UE: kif isir l-aħjar użu mill-vantaġġi soċjali u ekonomiċi tagħha), April 2008, Istitut teknoliġiku Daniż. Kuntratt VT/2006/043.

(17)  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

(18)  F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea diġà ressqet sensiela ta’ miżuri konkreti għas-sensibilizzazjoni taż-żgħażagħ Ewropej u joffrulhom informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom rigward is-sigurtà soċjali fl-Istati Membri tal-UE (fuljetti, manwali, vidjows).

(19)  Il-Greċja, Spanja, l-Ungerija u l-Portugall diġà neħħew ir-restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-ħaddiema li ġejjin minn dawn il-pajjiżi.

(20)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-impatt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE Rapport dwar l-ewwel fażi (1 ta’ Jannar 2007 – 31 ta’ Diċembru 2008) tal-Arranġamenti ta’ Tranżizzjoni stipulati fit-Trattat tal-Adeżjoni 2005 u kif mitluba skont l-Arranġament ta’ Tranżizzjoni stipulat fit-Trattat tal-Adeżjoni 2003, (COM(2008) 765 finali).

(21)  Rapport dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 (il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006) COM(2006) 48 finali.

(22)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi (COM(2006) 159 finali) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta’ servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema (COM(2007) 304 finali).

(23)  Opinjoni tal-KESE tad-29 ta’ Mejju 2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta l-għoti ta’ servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema (COM(2007) 304 finali), rapporteur: is-Sinjura Le Nouail Marlière, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 95–99.

(24)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 26–28.

(25)  Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, każ C-341/05, Laval un Partneri Ltd kontra Svenska Byggnadsarbetareförbundet .

(26)  Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, każ C-438/05, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union kontra Viking Line ABP u OÜ Viking Line Eesti.

(27)  Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, każ C-346/06, Dirk Rüffert, jaġixxi bħala l-likwidatur tal-assi ta’ Objekt und Bauregie GmbH & Co. KG kontra Land Niedersachsen.

(28)  ĠU L 149, 5.7.1971.

(29)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, COM(2006) 16 finali – 2006/0006 (COD).

(30)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2006 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi kif għandu jiġi applikat ir-Regolament (KE) nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 324, 30.12.2006) (Mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE. (Test b’rilevanza għaż-ŻEE). (Mhux disponibbli bil-Malti)

(32)  Karta Ewropea ta’ kwalità għall-mobbiltà (mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU L 394, 30.12.2006), http://europa.eu/scadplus/leg/en/cha/c11085.htm

(33)  Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass).

(34)  Rakkomandazzjoni 2008/111/01 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23.4.2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja.

(35)  Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u Proposta għal Rakkomoandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), COM (2008) 180.

(36)  Green Paper dwar Migrazzjoni u mobiiltà: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE (COM(2008) 423 finali).

(37)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “L-approċċ Globali dwar il-Migrazzjonijiet sena wara: Lejn politika Ewropea komprensiva dwar il-migrazzjoni” (COM(2006) 735 finali).

(38)  Din hija l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (proposta għall-ħolqien ta’ “karta blu Ewropea”) (COM(2007) 637 finali) u l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru (COM(2007) 638 finali).

(39)  Ara n-nota nru 5.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età fil-konfront tal-bidla industrijali – nipprovdu mekkaniżmi ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tad-diversità tal-età fis-setturi u l-kumpaniji (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 228/04

Nhar il-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-Qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età fil-konfront tal-bidla industrijali – nipprovdu mekkaniżmi ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tad-diversità tal-età fis-setturi u l-kumpaniji” (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur KRZAKLEWSKI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’159 vot favur, 8 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha peress li tolqot lill-gruppi tal-età kollha, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi attwali.

1.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b’mod speċifiku l-kwistjoni tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol u jitlobha ttejjeb u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar l-età fid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/KE billi tħejji programm Ewropew u Qafas ta’ Appoġġ għall-Impjegar tal-Ħaddiema Mdaħħla fiż-Żmien.

1.2.1   Id-dokument għandu jidentifika sensiela ta’ prattiki tajba maħsuba biex jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ta’ 50 sena jew aktar u biex jinżammu fil-post tax-xogħol u, b’mod partikolari, dawk il-ħaddiema kollha li qed joqorbu lejn l-età legali li fiha jistgħu jirtiraw. Għandna nħabirku biex l-intrapriżi, il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, malli jkunu f’nofs il-karriera tagħhom, u prattikament is-soċjetà kollha nagħmlulhom konxji tal-opportunitajiet u l-benefiċċji li l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien jinżammu fil-post tax-xogħol tagħhom.

1.2.1.1   Il-miżuri kollha li jittieħdu favur il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien għandhom iżommu l-miżuri li jippromovu l-impjieg, partikolarment fost il-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ li jkunu deħlin fis-suq tax-xogħol.

1.2.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għandu jintuża għat-twaqqif ta’ qafas komuni u sensiela ta’ prinċipji fil-livell tal-UE għall-kwistjonijiet marbuta mal-persuni mdaħħla fiż-żmien u s-suq tax-xogħol. Dan għandu importanza partikolari fil-klima ekonomika attwali kkaratterizzata minn żieda fit-telf tal-impjiegi, li fiha l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien jistgħu jisfaw vittmi tad-diskriminazzjoni minħabba l-età aktar milli l-kapaċità tagħhom.

1.3   Il-mudelli u l-approċċi proposti mill-KESE f’din l-opinjoni jiffukaw fuq il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li huma fil-periklu li jitilfu l-impjieg tagħhom u fuq dawk l-impjegati li, minħabba l-età tagħhom, huma eliġibbli – jew dalwaqt ikunu eliġibbli – għall-irtirar normali jew bikri iżda li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu.

1.4   Fid-dawl tad-differenzi konsiderevoli fi ħdan l-UE fir-rigward tal-livell ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien impjegati, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jiżviluppaw “Oqfsa Nazzjonali ta’ Appoġġ għall-Impjegar ta’ Ħaddiema Mdaħħla fiż-Żmien” li janalizzaw taħlita ta’ dawn is-sistemi ta’ azzjoni għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien. Fil-pajjiżi fejn dawn l-oqfsa nazzjonali jeżistu diġà, huwa importanti li jiġu riveduti perjodikament u li jiġu żviluppati aktar permezz ta’ dawn il-miżuri:

appoġġ għax-xjuħija attiva;

il-ħolqien ta’ inċentivi kemm għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien kif ukoll għall-kumpaniji li jimpjegawhom, fil-politiki tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jħeġġu l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien (b’mod partikolari fil-każ tax-xogħol manwali);

l-użu ta’ skemi istituzzjonali fis-suq tax-xogħol bl-għan li jkun aktar flessibbli fir-rigward tal-impjegar tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien.

1.5   Il-KESE jinnota b’ċertu tħassib li minkejja t-tkabbir gradwali fir-rata tal-impjiegi fost il-persuni mdaħħla fiż-żmien, proporzjon żgħir biss tal-kumpaniji tal-UE jikkunsidraw li l-kwistjoni ta’ dawn il-ħaddiema hija parti importanti mill-politiki tagħhom. Għalhekk huwa importanti li jiġi investigat mill-aktar fis possibbli għaliex l-intrapriżi mhux qegħdin jimplimentaw il-prassi t-tajba għall-impjegar ta’ dawn il-persuni allavolja l-istudji kollha jixhdu li din is-soluzzjoni vantaġġuża ġiet promossa mill-awtoritajiet f’xi Stati Membri.

1.5.1   Jekk l-għan tagħna huwa li l-persuni mdaħħla fiż-żmien jiġu impjegati, allura jeħtieġ li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ideali li jiżguraw li t-tiġdid tal-kuntratti tax-xogħol ikun ekonomikament vijabbli għal min iħaddem u għall-ħaddiema. Dan għandu jitkejjel fuq il-bażi ta’ analiżi dettaljata tal-ispiża vis-à-vis il-benefiċċju, li tkopri:

is-sistemi fiskali u tal-pensjoni tal-Istati Membri;

il-kondizzjonijiet għall-impjegar tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien mill-perspettiva tal-intrapriżi u l-impjegati;

programmi ta’ tagħlim għal tul il-ħajja (inkluż it-taħriġ vokazzjonali kontinwu) għal dawk ‘il fuq minn 50 sena u anke għal dawk ‘il fuq minn 45 sena.

1.5.2   Il-KESE jemmen li l-kwistjoni ewlenija għal dawk li jixtiequ jimpjegaw persuni mdaħħla fiż-żmien hija kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-esperjenza u l-ħiliet tal-persuni mdaħħla fiż-żmien.

1.6   Il-Kumitat jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali biex jippromovu tip ta’ ġestjoni fl-intrapriżi li tirrifletti d-diversita tal-età, bħala metodu effettiv għall-ġestjoni tal-produttività u bħala tweġiba xierqa għas-sitwazzjoni diffiċli fis-suq tax-xogħol.

1.7   Il-Kumitat jixtieq jisħaq fuq il-bżonn li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jadottaw approċċ proattiv rigward il-kwistjoni tal-ġestjoni tad-diversità tal-età.

1.7.1   Fil-fehma tal-KESE, it-taħriġ fil-qasam tal-ġestjoni tal-età għandu jkun parti mill-korsijiet li jingħataw lid-diriġenti u mill-kurrikuli tal-istudji tal-ġestjoni, u għandhom jinkludu diskussjoni u analiżi ta’ kwistjonijiet bħal dawn:

iż-żamma ta’ livelli ta’ motivazzjoni u kreattività fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

kif il-ħaddiema jistgħu jiġu megħjuna jidraw ir-ritmu tax-xogħol ħalli ma jispiċċawx jitilfu kull ħeġġa wara ċertu żmien;

il-ħolqien ta’ relazzjonijiet fil-post tax-xogħol bejn ħaddiema minn gruppi differenti ta’ età.

1.7.2   Bil-għan li r-rata tal-impjiegi fost il-persuni mdaħħla fiż-żmien tiżdied, il-KESE jisħaq fuq l-importanza ta’ impenn lejn it-tagħlim kontinwu u lejn politki u prattiki li jolqtu kemm l-edukazzjoni bażika kif ukoll l-edukazzjoni għolja; dan l-impenn għandu jtejjeb il-livell tal-edukazzjoni fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien.

1.8   Meta nqisu d-differenza kbira li teżisti bejn l-irġiel u n-nisa fir-rata tal-impjieg tagħhom għall-grupp tal-età bejn il-55 u l-64 sena, il-KESE huwa tal-fehma li kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jibnu fuq l-approċċi attwali għall-impjegar tan-nisa mdaħħla fiż-żmien u ma joqogħdux lura milli jfasslu mudelli li s’issa ma ntużawx.

1.8.1   Iż-żieda fir-rata tal-impjiegi fost in-nisa ‘l fuq minn 50 sena tista’ tkun ta’ importanza kbira għall-ksib tar-rati tal-impjiegi stipulati fl-Istrateġija ta’ Liżbona.

1.8.2   Il-Kumitat iħeġġeġ il-Kummissjoni, bi sħab mal-aġenziji tal-UE, tagħmel riċerka biex tiddetermina jekk ir-rata baxxa tal-impjiegi fost in-nisa ‘l fuq minn 50 sena hijiex eżempju ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol.

1.9   Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-esklużjoni elettronika (e-exclusion) hija waħda mill-ostakli ewlenin għaż-żieda fir-rata tal-impjiegi fost il-persuni mdaħħla fiż-żmien. Bl-għan li nkunu nistgħu nindirizzaw din il-kwistjoni b’mod effettiv, il-programm għat-tagħlim tul il-ħajja tal-grupp tal-età li jiġbor fih dawk ‘il fuq minn 50 sena għandu jkun integrat kemm jista’ jkun mat-taħriġ fl-użu tal-ICT. Biex negħlbu l-biża’ li jista’ jkollhom il-persuni mdaħħla fiż-żmien fil-konfront tal-użu tal-ICT, l-ewwel stadju tal-korsijiet għat-taħriġ tal-ICT jista’ jsir fi gruppi li jiġbru fihom parteċipanti tal-istess età u li għandhom ħiliet simili.

1.9.1   Bl-istess mod, il-KESE huwa tal-fehma li r-responsabbiltà li jittaffew id-diskrepanzi fil-qasam tal-ħiliet b’rabta mal-ħiliet u t-teknoloġiji l-ġodda fost dawk ‘il fuq minn 50 sena għandha tintrefa’ mill-Istati Membri bil-parteċipazzjoni attiva tal-gvernijiet nazzjonali u lokali, l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet edukattivi.

1.9.2   Dan jeħtieġ analiżi dettaljata tal-bżonn għal ħiliet bażiċi li kull individwu jeħtieġ biex jiffunzjona fis-soċjetà tal-informazzjoni, sabiex, fejn meħtieġ, bi sħab mal-Istati Membri, jiġu eżaminati l-modi u l-istrumenti kif din tista’ tiġi kkompletata.

1.10   Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall fatt li kwalunkwe soluzzjoni li għandha l-għan li tgħin lill-persuni mdaħħla fiż-żmien jintegraw fis-suq tax-xogħol teħtieġ kemm azzjoni sistematika u integrata kif ukoll approċċ li jqis il-każijiet jew l-individwi speċifiċi.

1.10.1   Dat-tip ta’ approċċ jeħtieġ strumenti għall-previżjoni ta’ tibdil industrijali u teknoloġiku kif ukoll ħtiġijiet marbuta mat-taħriġ u t-tibdil soċjali. L-osservatorju tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet tal-persuni u t-tibdil fis-soċjetà, kif ukoll is-sistema statistika (informazzjoni) tal-Istati Membri u l-UE nnifisha ser ikollhom rwol partikolari x’ jaqdu f’dan il-kuntest.

1.10.2   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li ssir riċerka statistika aktar ta’ spiss milli sar qabel fil-qasam tal-impjegar ta’ ħaddiema ‘l fuq minn 50 sena, partikolarment minħabba l-importanza u s-sensittività ta’ din il-kwistjoni. Din il-ħtieġa hija importanti aktar minn qatt qabel fil-kuntest tal-kriżi attwali. Il-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età jinsabu fost dawk li huma fil-periklu li jispiċċaw wieħed mill-“varjabbli tal-aġġustament” fil-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni li għaddejjin bħalissa u li għad iridu jsiru.

2.   Daħla

2.1   Bl-għan li ssib tarf il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema fil-ġejjieni minħabba t-tibdil demografiku, f’Marzu 2001, l-UE stipulat mira ta’ 50 % sal-2010, b’rabta mar-rata tal-impjieg għall-ħaddiema bejn il-55 u l-64 sena. L-istimi preliminari jissuġġerixxu li l-UE ser ikollha problemi kbar biex tilħaq din il-mira sal-2010.

2.2   L-opinjonijiet tal-KESE – kemm dawk dwar id-dokumenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill (1) kif ukoll l-opinjonijiet fuq inizjattiva proprja (2) – indirizzaw dawn il-kwistjonijiet bir-reqqa:

il-messaġġ li twassal lill-UE d-data statistika dwar il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

Il-ħtieġa u l-ġustifikazzjoni ta’ approċċ pożittiv fir-rigward tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

l-impatt tal-iskemi għall-irtirar bikri fuq ir-rata tax-xogħol fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

ir-raġunijiet għall-waqa’ fir-rata tal-impjiegi fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien qabel is-sena 2000;

l-istrateġiji użati u ppjanati biex tiżdied ir-rata tax-xogħol fost il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u biex togħla l-età tal-pensjoni, inkluża l-possibbilità li tiddaħħal fis-sistema tal-flessigurtà;

il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-ħiliet;

il-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, tal-familja u l-ħajja personali tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u l-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

il-kwalità tal-ħajja professjonali, il-produttività u l-impjiegi tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmieni fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi.

2.3   Jekk nixtiequ li r-rata tal-impjiegi fost il-persuni mdaħħla fiż-żmien titjieb, jeħtieġ jitfasslu, jiġu promossi u implimentati għadd ta’ politiki u mudelli ta’ proċedura biex jindirizzaw il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien minħabba l-età u/jew il-bidla industrijali. Il-ġestjoni tal-bidla permezz tad-diversità fl-età, it-tagħlim u l-ħiliet, li tiffoka fuq l-appoġġ għall-ħaddiema ta’ kull età tirrappreżenta wieħed mill-aktar approċċi importanti diskussi f’din l-opinjoni.

2.4   B’konformità mas-suġġett tal-opinjoni, il-mudelli u l-approċċi diskussi fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja jiffukaw fuq il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li huma fil-periklu li jitilfu l-impjiegi tagħhom minħabba l-età, il-proċessi ta’ ristrutturazzjoni, bidliet soċjoekonomiċi differenti u fuq dawk l-impjegati li, minħabba l-età tagħhom, huma eliġibbli għall-irtirar normali jew bikri iżda li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu. Fil-preżent, għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-diversità tal-età biex il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien ma jisfawx vittmi tad-diskriminazzjoni f’perjodu ta’ staġnar ekonomiku u telf ta’ impjiegi.

2.4.1   L-approċċi dikskussi fl-opinjoni ġeneralment japplikaw għal dawk il-persuni mdaħħla fiż-żmien mingħajr xogħol li jixtiequ jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u għal dawk il-pensjonanti li beħsiebhom jerġgħu jibdew jaħdmu għal raġunijiet differenti.

3.   Sejbiet ibbażati fuq l-analiżi tal-istatistika attwali dwar il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fl-UE

3.1   Fl-UE fl-aħħar tal-2005,22.2 miljun ruħ ta’ età bejn il-55 u l-64 sena kellhom impjieg. F’dan l-istess grupp ta’ età, 1.6 miljun ruħ kienu uffiċjalment mingħajr impjieg filwaqt li 28.5 miljun kienu effettivament bla xogħol. Iż-żieda fir-rata tal-impjiegi tal-ħadiema mdaħħla fiż-żmien kienet fost l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

3.2   Fl-UE-25, ir-rata tal-impjieg tal-persuni mdaħħla fiż-żmien telgħet minn 36.6 % fl-2000 għal 42.5 % fl-2005 (ara l-graph f’Appendiċi I). Din ir-rata żdiedet fil-pajjiżi kollha tal-UE, ħlief fil-Polonja u l-Portugall. Fl-2005, ir-rata tal-impjiegi għall-ħaddiema bejn il-55 u l-64 sena fl-Iżvezja, id-Danimarka, ir-Renju Unit, l-Estonja, il-Finlandja u l-Irlanda kienet ogħla mill-mira għall-2010 jew daqsha.

3.3   Fl-2005, ir-rata tal-impjiegi tal-persuni mdaħħla fiż-żmien fl-UE tal-25 laħqet il-51.8 % fil-każ tal-irġiel; iċ-ċifra għan-nisa fl-istess grupp ta’ età kienet ta’ 33.7 %. Madankollu, iż-żieda fir-rata tal-impjieg fil-perijodu 2000–2005 kienet ogħla fil-każ tan-nisa (+ 6.8 %) milli tal-irġiel (+ 4.9 %).

3.4   Ir-rata tal-impjiegi fost il-persuni bejn il-55 u l-64 sena mhijiex uniformi għal dan il-grupp ta’ età. Fil-graph f’Appendiċi I tidher d-differenza sostanzjali bejn ir-rata tal-impjiegi fost il-persuni ta’ bejn il-55 u d-59 sena u dawk bejn is-60 u l-64 sena. Fl-2005, ir-rata tal-impjiegi għal dawn il-gruppi kienet 55.3 % u 26.7 % rispettivament. Kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, id-diskrepanza fir-rata tal-impjiegi bejn il-grupp ta’ età bejn il-55 u d-59 sena u s-60 u l-64 sena, li laħqet iċ-ċifra ta’ 28.6 %, kienet ferm akbar mid-differenza bejn il-grupp ta’ età bejn il-50 u l-54 sena u l-55 u d-59 sena, li kienet ta’ 17 %.

3.5   Ir-rata tal-impjiegi tal-persuni mdaħħla fiż-żmien hija l-ogħla fl-Iżvezja, fejn ġiet irreġistrata rata ta’ 79.4 % għall-grupp ta’ età bejn il-55 u d-59 sena u 56.9 % bejn is-60 u l-64 sena. L-aktar rata baxxa kienet irreġistrata fil-Polonja, fejn ġiet irreġistrata rata ta’ 32.1 % għall-grupp ta’ età bejn il-55 u d-59 sena u l-Lussemburgu, fejn ġiet irreġistrata rata ta’ 12.6 % għall-grupp ta’ età bejn is-60 u l-64 sena.

3.6   Meta niġu biex nanalizzaw id-data f’Appendiċi II li tqabbel ir-rata tal-impjiegi tal-persuni mdaħħla fiż-żmien mal-livell ta’ edukazzjoni tagħhom, tajjeb nenfasizzaw li fil-każ kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, il-possibilità li l-persuni b’livell ogħla ta’ edukazzjoni jkollhom impjieg hija akbar milli għal dawk li għandhom livell bażiku ta’ edukazzjoni. Fl-UE-25,30.8 % biss tal-persuni mdaħħla fiż-żmien li m’għandhomx ħlief l-aktar livell bażiku ta’ edukazzjoni (fuq skala bi tliet kategoriji) għandhom impjieg. Fil-każ tal-persuni bl-ogħla livell ta’ edukazzjoni mit-tlieta li semmejna, 61.8 % għandhom xogħol.

3.7   L-analiżi li għamlet is-CEDEFOP tal-aktar stħarriġ reċenti dwar it-taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVT) (3) turi li l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħla fiż-żmien fis-CVT hija ħafna inqas minn dik taż-żgħażagħ, u li din it-tendenza hija simili prattikament fl-Istati Membri kollha. Fl-UE-27 fl-2005,24 % tal-impjegati li għandhom ‘il fuq minn 55 sena ħadu sehem fis-CVT, mentri 33 % tal-impjegati bejn l-24 u l-54 sena ħadu sehem. Ir-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-CVT hija l-aktar evidenti fis-settur tal-SMEs. 13 % biss tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien (55 sena jew aktar) f’negozji żgħar ħadu sehem fis-CVT. Din l-informazzjoni tidher fid-dettall fit-tabella fl-Appendiċi III.

3.8   Huwa aktar possibbli li l-persuni bejn il-55 u l-64 sena jkollhom xogħol għal ħin parzjali (22.2 %) milli persuni bejn it-30 u d-49 sena (16.8 %). Dan it-tip ta’ impjieg huwa ferm aktar komuni fost in-nisa ta’ bejn il-55 u l-64 sena (39.5 %) milli fost l-irġiel (10.3 %).

3.8.1   Barra minn hekk, ix-xogħol indipendenti huwa aktar komuni fost l-individwi bejn il-55 u l-64 sena (23 %) milli dawk bejn it-30 u d-49 sena (15.4 %). Madankollu, għall-kuntrarju tax-xogħol għal ħin parzjali, l-irġiel li jaħdmu għal rashom huma ferm aktar min-nisa.

3.8.2   Fid-dawl tal-impatt tal-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol, saret cluster analysis (4) fir-rigward ta’ sitt gruppi karatteristiċi fi ħdan il-pajjiżi tal-UE, li analizzat l-impatt ta’ tliet approċċi (imsejħa Sistemi I, II u III) li ġew użati fir-rigward ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fl-Istati Membri. Ġiet allokata sensiela ta’ fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol għal kull waħda mill-approċċi li ġejjin.

Sistema I – appoġġ lix-xjuħija attiva.

Sistema II – inċentivi finanzjarji applikati fil-każ ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li jitilqu s-suq tax-xogħol.

Sistema III – mekkaniżmi ġenerali maħsuba biex jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar flessibbli b’rabta mal-impjegar tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien.

3.8.3   L-analiżi tal-clusters uriet li s-Sistema I intużat ħafna fil-pajjiżi Nordiċi tal-UE, iżda ħafna inqas fl-Istati Membri l-ġodda mill-Ewropa Ċentrali u mill-pajjii Baltiċi u Mediterranji. Is-Sistema II intużat ħafna fl-Istati Membri Komunitarji tal-Punent (kontinentali) u Mediterranji, filwaqt li l-pajjiżi Anglofoni użaw ħafna s-Sistema I u użaw is-Sistema III b’mod limitat.

4.   Politiki u mudelli proċedurali li jindirizzaw il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien minħabba l-età

Ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li jżommu l-impjieg tagħhom

4.1   Il-politiki u l-mudelli ta’ proċedura mniżżlin hawn taħt huma mmirati lejn ħaddiema ta’ 50 sena jew aktar (u 45 sena u aktar), impjegati fl-SMEs u l-intrapriżi kbar u fis-settur tas-servizzi, li huma fil-periklu li:

jispiċċaw bla xogħol minħabba r-ristrutturazzjoni jew il-kompetittività dgħajfa tal-intrapriża tagħhom u tibdil fis-swieq globali tax-xogħol u s-servizzi;

ikollhom problemi tas-saħħa jew ikollhom bżonn jieħdu ħsieb persuni oħra;

ma jkollhomx il-kwalifiki jew il-ħiliet adatti fl-użu tat-teknoloġija moderna, inklużi ħiliet fl-ICT;

jemmnu profondament li m’għandhomx il-kapaċità li “jadattaw” ruħhom, u b’mod partikolari, il-motivazzjoni u l-kapaċità għat-tagħlim.

4.2   Biex il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien iżommu l-impjieg tagħhom, huwa essenzjali li bħala parti mis-sistemi ta’ direzzjoni, l-intrapriżi joħolqu mekkaniżmu ta’ previżjoni, anke permezz tal-użu sistematiku ta’ valutazzjoni tal-karriera, li ssir sa minn nofs il-karriera tal-impjegati, biex jiġi evitat il-periklu li l-impjegati jitilfu l-impjieg. Dan għandu jiġi appoġġjat permezz ta’ politika tal-gvern li tagħmilha possibbli li jinżammu l-impjegati jew li tippermetti li l-ħaddiema jżommu l-impjieg tagħhom aktar fit-tul jew ikunu jistgħu jerġgħu jmorru lura għal ħajja professjonali attiva.

4.2.1   Il-ħolqien jew l-estensjoni ta’ mekkaniżmi ta’ previżjoni fuq bażi regolari fil-kumpaniji, u l-parteċipazzjoni kemm jista’ jkun mifruxa fost l-impjegati fl-evalwazzjonijiet tal-ħiliet hija strument ta’ appoġġ importanti għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien biex jiġi identifikat il-waqt jew iċ-ċirkustanzi meta l-azzjoni għandha tittieħed. Dan l-approċċ jitlob investiment, li jista’ jsir min-negozju nnifsu, permezz tas-sussidji tal-UE (b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew) u l-fondi pubbliċi.

4.2.1.1   L-evalwazzjoni tal-ħiliet hija proċedura maħluqa biex tippromovi r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba kemm b’mod formali kif ukoll informali; skont din il-proċedura, l-impjegati kollha huma fid-dritt li l-ħiliet tagħhom jiġu evalwati kull ftit snin permezz ta’ intervista u testijiet, bl-għajnuna ta’ esperti fil-qasam tal-konsulenza dwar il-karrieri. Il-ħiliet prattiċi miksuba jistgħu jiġu rikonoxxuti minn netwerk nazzjonali ta’ ċentri pubbliċi, li jipprovdi pjattaforma għall-iżvilupp kontinwu tal-karrieri.

4.2.1.2   Għandha ssir evalwazzjoni tal-ħiliet minn konsulent indipendenti; f’każijiet fejn il-firxa tal-ħiliet tal-impjegat tagħmilha improbabbli li jsib xogħol ieħor bl-istess salarju, il-kumpanija kkonċernata tintalab li torganizza t-taħriġ meħtieġ – u tiffinanzjah – biex jimtela n-nuqqas fir-rigward tal-ħiliet, u għandha terfa’ wkoll l-ispiża marbuta mal-evalwazzjoni tal-progress tiegħu, filwaqt li l-impjegat ikun obbligat jieħu sehem fit-taħriġ u jtemm il-programm kollu.

4.3   Biex l-impjegati jżommu l-impjieg tagħhom importanti li jinħolqu karigi ġodda fil-kumpaniji għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, eż. bħala konsulenti ta’ fiduċja jew kowċis (5) (ta’ spiss b’rabta ma’ reklutaġġ ġdid) jew jiġu mħeġġa jiggwidaw lill-oħrajn (6) u bis-saħħa ta’ dan jgħinu l-kumpaniji jippreservaw il-kontinwità u l-valuri intraprenditorjali tagħhom milli jgħallmu u jitrasferixxu tipi ta’ dehen fin-negozju lill-impjegati l-ġodda u aktar żgħażagħ.

4.4   Waħda mill-politiki effettivi biex l-impjegati jżommu l-impjieg tagħhom hija li jiġi adottat approċċ flessibbli rigward il-ħinijiet tax-xogħol u l-firxa tal-miżuri tal-kumpens. Id-domanda għal modi differenti ta’ kif wieħed isib bilanċ bejn il-ħajja familjari u professjonali tista’ tiġi ssodisfata permezz ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli, xogħol għal ħin parzjali u programm imfassal biex dak li jkun jieqaf mix-xogħol gradwalment. Huwa possibbli wkoll li tinbidel l-istruttura tal-pakkett tas-salarju/tal-benefiċċji u jinħolqu skemi ta’ benefiċċji pro rata. Anke l-ħolqien ta’ sistema li fiha l-ġimgħa tax-xogħol tkun iqsar jew il-possibilità li din tissarraf f’aktar btajjel wasslet biex l-impjegati żammew l-impjieg tagħhom.

4.5   Il-proċess marbut maż-żamma tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien mal-kumpanija ta’ spiss twassal għal sitwazzjonijiet li fihom l-impjegati jkollhom jiddeċiedu għandhomx igawdu d-dritt tagħhom li jirtiraw kmieni inkella jibqgħux fis-suq tax-xogħol.

4.5.1   Għalhekk għandha titħaddem politika ta’ inċentivi finanzjarji, soċjali u organizzativi favur l-impjegati (eż. trasferiment lejn kariga inqas impenjattiva li teħtieġ ħiliet ġodda permezz tat-taħriġ). Il-prinċipju tal-libertà tal-għażla f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm il-ħaddiema jdumu fl-impjieg tagħhom, li huwa wieħed mill-pilastri tas-sistema tal-flessigurtà, għandu jkun prijorità.

4.5.2   Fil-fehma tal-KESE, minħabba li fil-każ ta’ dawk l-individwi li għandhom id-dritt li jirtiraw kmieni ma titħaddimx strateġija msejsa fuq il-konċiljazzjoni u l-kreattività, in-numru tal-ħaddiema f’din il-pożizzjoni li jibqgħu jaħdmu sakemm jilħqu l-età li normalment jirtiraw fiha huwa żgħir wisq.

4.6   Il-politiki fil-qasam tat-tagħlim u t-taħriġ huma essenzjali biex il-ħaddiema jżommu l-impjieg tagħhom, u huma marbutin ukoll mal-produttività. Pjuttost milli l-età, huma l-ħiliet u l-esperjenza li għandhom jiddeterminaw l-opportunitajiet tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

4.6.1   L-aktar politiki edukattivi u dawk marbuta mat-taħriġ importanti biex l-impjegati ‘l fuq minn 50 sena jibqgħu fil-post tax-xogħol jinkludu:

Il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni, jiġifieri l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien fil-programmi kollha tat-taħriġ ipprovduti minn min iħaddimhom u s-sehem li jagħtu biex jipprovdu taħriġ prattiku fil-post tax-xogħol. Barra minn hekk, il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien b’ħiliet partikolari jistgħu jibqgħu mal-organizzazzjoni anke wara li jilħqu l-età li fiha normalment jirtiraw.

Il-korsijiet maħsuba biex jaġġornaw il-ħaddiema fil-qasam tat-teknoloġija fil-post tax-xogħol huma mmirati lejn ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li ma ħadux sehem f’taħriġ fil-proċessi tal-manifattura għal tul taż-żmien u li għaldaqstant, iħossuhom maqtugħin mill-proċess. Il-qafas komuni tal-azzjoni tal-imsieħba soċjali għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-taħriġ tul il-ħajja, u l-edukazzjoni tal-adulti jipprovdi mekkaniżmi adattati għall-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ taħriġ (7).

Korsijiet speċjalizzati tal-kompjuter u l-internet għall-ħaddiemal fuq minn 50 sena, bl-għan li l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, il-pensjonanti u l-organizzazzjonjiet tagħhom jipparteċipaw aktar fl-użu tal-ICT. Huwa importanti li l-korsijiet jitfasslu b’tali mod li jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta’ persuni mdaħħla fiż-żmien (eż. l-użu ta’ fonts kbar, tal-portal “Senior Web”, eċċ.).

Ir-reklutaġġ tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien – kif nistgħu nħajruhom jidħlu lura fis-suq tax-xogħol u nipperswaduhom jibqgħu mal-kumpanija

4.7   Wieħed mill-elementi karatteristiċi huwa li huma l-kumpaniji nnifishom li jidentifikaw il-metodi effettivi li permezz tagħhom jistgħu jwasslu l-messaġġ lill-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li telqu s-suq tax-xogħol u jipperswaduhom iwarrbu d-diversi attivitajiet tagħhom jew jinterrompu l-irtirar tagħhom u jmorru lura fid-dinja tax-xogħol.

4.8   B’mod ġenerali, terz tal-pensjonanti jgħidu li jsibuha diffiċli biex jgħixu bil-pensjoni tagħhom biss (8). Ħafna minn dawn l-impjegati potenzjali huma vittmi ta’ sistema msejsa fuq irtirar obbligatorju, li ġew skuraġġuti minħabba li ma setgħux isibu xogħol, evidentement minħabba l-età. Dawn il-ħaddiema “sfortunati” probabbilment huma lesti li jitħarrġu mill-ġdid, iżda ilhom barra mis-suq tax-xogħol għal diversi snin u wisq probabbli m’għandhom l-ebda intenzjoni jmorru lura.

4.8.1   Hemm bżonn li jiġi indirizzat il-fatt li terz tal-pensjonanti jgħidu li jsibuha diffiċli biex jgħixu bil-pensjoni tagħhom biss billi ntejbu s-sistema tal-pensjonijiet b’mod li tkun stabbli u ġusta u ffinanzjata permezz tal-użu tal-kapital uman kollu disponibbli.

4.9   Fost il-persuni li jistgħu jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol insibu l-pensjonanti li t-tfal tagħhom huma adulti u m’għadhomx jgħixu d-dar tal-ġenituri u li għalhekk sabu ruħhom b’aktar ħin liberu u jixtiequ okkupazzjoni oħra u/jew dħul.

4.10   Għalhekk huwa essenzjali li dawn l-individwi jiġu infurmati dwar l-opportunitajiet li jeżistu u mbagħad jiġu kkuntattjati direttament biex jiġu mħeġġa jikkuntattjaw il-kumpanija, u li jiġu involuti f’xi tip ta’ tagħlim kontinwu jew jiġu inkuraġġuti jattendu xi korsijiet jew programmi tat-taħriġ organizzati bil-ħsieb li jħajruhom jerġgħu jibdew jaħdmu.

Dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu permezz ta’:

Seminars li jipprovdu informazzjoni li tiffoka fuq il-kwistjonijiet li jinteressaw lil persuni mdaħħla fiż-żmien;

Fieri fil-qasam tal-impjiegi u l-karrieri, “gruppi ta’ diskussjoni għall-persuni ‘l fuq minn 50 sena” jew “job centres” bl-iskop li jattiraw lill-persuni mdaħħla fiż-żmien;

Reklamar f’postijiet li ta’ spiss iżuru l-persuni mdaħħla fiż-żmien, jew fil-mezzi tax-xandir li huma midħla tagħhom. Irridu noqogħdu attenti li nevitaw lingwaġġ li jista’ jkun offensiv: “ix-xjuħ” jew “xjuħ pensjonanti”. Minflok, meta nirreferu għall-persuni mdaħħla fiż-żmien, għandna nużaw kliem bħal “maturità”, “esperjenza” jew “solidità”;

Il-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma fi ħdan il-kumpaniji stess magħmula minn ħaddiema mdaħħla fiż-żmien bl-iskop li jħejju strateġiji biex iħajru ħaddiema mdaħħla fiż-żmien bl-esperjenza. Jistgħu jsiru wkoll festini fil-bini tal-kumpanija kkonċernata li jkunu jistgħu jattendu għalihom pensjonanti/persuni li fil-passat kienu impjegati mill-kumpanija; dawn l-impjegati jistgħu jiġu inkuraġġuti jmorru lura x-xogħol permezz ta’ ittri personali jew telefonati, eċċ.

4.11   Fil-biċċa l-kbira, is-suċċess tal-kampanji għar-reklutaġġ ta’ persuni mdaħħla fiż-żmien jiddependi min-netwerking. In-negozji, id-dipartimenti tal-gvern, l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra lkoll għandhom jagħmlu parti minn dawn it-tipi ta’ netwerks fil-bliet kbar u żgħar, fir-reġjuni u fil-pajjiżi. Jistgħu wkoll jitwessgħu biex jinkludu sħubijiet internazzjonali.

4.11.1   Il-kompitu ewlieni għal dawn it-tipi ta’ netwerks huwa l-kontribut li jagħtu biex ibbidlu l-attitudni soċjali dwar l-importanza li l-individwi jibqgħu x-xogħol aktar fit-tul u li joħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex jipperswadu l-ħaddiema ‘l fuq minn 50 sena u min iħaddimhom li jkollhom fiduċja fil-kapaċità tagħhom li “jżommu ruħhom aġġornati mat-tibdil.”

4.11.2   Netwerks bħal dawn jistgħu wkoll iservu biex jinfurmaw lil min iħaddem dwar il-benefiċċji marbuta mar-reklutaġġ ta’ impjegati ‘l fuq minn 50 sena u jħabirku biex jipperswadu l-gvernijiet ibiddlu l-politiki tagħhom u jfasslu skemi ta’ xogħol li jipprovdu appoġġ lill-impjegati li jżommu l-impjieg tagħhom aktar fit-tul u lil dawk li jħaddmu li jadattaw is-sistemi ta’ riżorsi umani għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien.

4.11.3   Fl-istess ħin, netwerks bħal dawn jistgħu jikkontribwixxu għat-tixrid u l-iżvilupp ta’ “prassi tajba” u jidentifikaw il-kompetenzi ewlenin.

5.   Il-ġestjoni tad-diversità: strateġija biex nindirizzaw il-kwistjoni tal-impjegar ta’ persuni mdaħħla fiż-żmien

5.1   Ir-riċerka turi li d-diversità tista’ ttejjeb il-prestazzjoni tal-grupp ta’ ħidma f’ċerti proġetti għaliex twassal għal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni, riżorsi u strateġiji marbuta mat-teħid tad-deċiżjonijiet li jsarrfu f’riżultati aktar sodisfaċenti.

5.1.1   Qabel konna nemmnu li d-diversità fil-kompożizzjoni tal-persunal fuq il-bażi tal-età jew ir-razza tista’ toħloq kunflitt. Iżda dawn l-ostakli jistgħu jiġu indirizzati ladarba l-ħaddiema jingħataw taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni u jiġu inkuraġġuti jaħdmu f’timijiet differenti biex jegħlbu l-preġudizzji tagħhom.

5.2   Għadd ta’ kumpaniji Ewropej magħrufa japplikaw il-prinċipju “il-ġestjoni tad-diversità = il-ġestjoni tal-produttività” fil-prattika. L-għan marbut mal-ġestjoni ta’ forza tax-xogħol bi kwalitajiet differenti huwa li tinħoloq kultura li fiha kull impjegat jista’ jagħti kontribut sħiħ lill-organizzazzjoni u li jsir progress fuq l-bażi ta’ prestazzjoni eċċellenti.

5.3   Programmi b’rabta mad-diversità li jagħtu importanza lill-ambjenti differenti li trabbew fihom l-impjegati u li jattiraw u jżommu l-aħjar ħaddiema kwalifikati jpoġġu l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali fil-qalba tal-istrateġija bbażata fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani. Kull ma jmur, il-prattiki xejn diskriminatorji tal-ġestjoni tad-diversità qed ikunu rikonoxxuti dejjem aktar bħala għodda maniġerjali għaż-żieda tal-effiċjenza u l-produttività. Dan huwa suġġett prinċipali għall-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol – li tiġi identifikata r-rabta bejn it-trattament ugwali u l-prestazzjoni ekonomika.

5.4   Il-mudelli u l-politiki bħala appoġġ għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien deskritti fil-Kapitolu 4 jistgħu jiġu żviluppati b’suċċess permezz ta’ metodi marbuta mal-ġestjoni tad-diversità tal-età u l-ħiliet. Tajjeb nenfasizzaw li l-ġestjoni tal-età effettivament tibda malli l-impjegati jibdew il-karriera tagħhom.

5.5   Il-kumpaniji li jipprattikaw il-ġestjoni tad-diversità tal-età jimpjegaw jew inkella jqassmu mill-ġdid ċertu numru ta’ impjegati mdaħħla fiż-żmien kemm biex jiżguraw li jkun hemm taħlita ta’ etajiet differenti kif ukoll biex jirreaġixxu għan-nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet adatti. L-għan huwa li jkun hemm taħlita ta’ gruppi ta’ etajiet differenti, kwalifiki, kulturi u kompetenzi fi ħdan il-kumpanija.

5.6   Il-ġestjoni tad-diversità tal-ħiliet tinvolvi r-rikonoxximent tal-kompetenzi professjonali tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u l-ħadddiema żgħażagħ u li dawn jingħataw importanza u jittieħdu l-passi neċessarji biex l-aktar impjegati li għandhom ħiliet jitħajru jaħdmu u/jew jibqgħu fil-post tax-xogħol tagħhom.

5.7   L-użu tat-tekniki marbuta mal-ġestjoni tal-età għandu l-vantaġġi li ġejjin:

żieda fil-livell ġenerali tal-ħiliet tal-ħaddiema u attitudni aktar pożittiva għall-innovazzjoni;

il-preżenza ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien b’salarju attraenti fi ħdan kumpanija tfisser li l-ħaddiema aktar żgħażagħ jinnutaw il-potenzjal akbar li toffrilhom il-karriera professjonali tagħhom;

titjib fil-kwalità u l-organizzazzjoni tal-prodotti u s-servizzi;

li jiġi żgurat li jinżamm livell adatt ta’ ħiliet u potenzjal ta’ żvilupp professjonali, kif ukoll il-possibilità li l-ħaddiema fi ħdan kumpanija jingħataw proġetti ġodda.

5.8   Skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol f’Dublin (9), fost il-fatturi biex il-ġestjoni tal-età tirnexxi nsibu dawn li ġejjin:

sensibilizzazzjoni dwar il-problemi marbuta mal-età tal-ħaddiema;

l-eżistenza ta’ qafas politiku nazzjonali li jipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tal-età,

ippjanar u implimentazzjoni bir-reqqa;

il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati li jissensibilizzaw lill-awtoritajiet dwar il-problemi marbuta mal-età tal-ħaddiema;

il-valutazzjoni u stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

6.   Oqsma ta’ prassi tajba għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp fl-UE ta’ politiki u mudelli li jipprovdu appoġġ lill-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien

Fost l-istrateġiji possibbli bl-għan li nużaw fil-prattika u niżviluppaw il-mudelli u l-politiki tal-UE maħsuba biex jgħinu l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien insibu l-iskambju u t-tħaddim ta’ din il-prassi tajba:

Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fin-negozjati dwar ftehimiet kollettivi dwar ix-xogħol fil-livell tal-kumpaniji, settorjali u transsettorjali li jiġbor fih regolamenti għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien; dan il-ftehim jista’ jinkludi wkoll patti soċjali, dispożizzjonijiet speċifiċi fir-regolamenti tax-xogħol u ftehimiet bilaterali u multilaterali oħra;

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-abbozzar tar-regolamenti legali fil-livell nazzjonali (u Ewropew) li jinkuraġġixxu l-ħaddiema ‘l fuq minn 50 sena jibqgħu fis-suq tax-xogħol u l-provvedituri tal-impjiegi jżommuhom fil-kumpanija tagħhom jew jimpjegaw ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

It-tfassil u t-tħaddim ta’ sistemi u strutturi fuq il-bażi ta’ netwerks li jiffukaw fuq l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni u indikaturi wiesgħa għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

Il-ġestjoni tad-diversità ta’ kumpanija (jew grupp ta’ kumpaniji) maħsuba għal gruppi tal-età speċifiċi ta’ ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, bħall-ġestjoni tad-diversità tal-età jew tal-ħiliet;

L-użu ta’ mudelli marbuta ma’ skemi li joffru konsulenza għall-ħaddiemal fuq minn 50 sena u min iħaddimhom, li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta’ sottosistemi biex jevalwaw il-ħtieġa ta’ ħiliet partikolari għall-ħaddiema f’kumpanija, settur, reġjun jew saħansitra pajjiż partikolari;

L-użu ta’ sistema ta’ konsulenza għall-impjegati fil-qasam, permezz ta’ programmi ta’ taħriġ, korsijiet u attivittajiet edukattivi u ta’ taħriġ addizzjonali, partikolarment dawk immirati lejn il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien;

L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsulenza fil-qasam tan-negozju u l-ġestjoni li jiffukaw dwar il-mezzi għat-titjib tal-adattabilità, il-kompetittività u l-produttività tan-negozji tul il-perijodi ta’ tranżizzjoni permezz tal-ġestjoni tad-diversità tal-età u l-ġestjoni tar-riżorsi umani, permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ strutturi u sistemi ta’ netwerking (settorjali, reġjonali, imħalltin, li jlaqqgħu rappreżentanti tal-partijiet interessati, eċċ.) u osservatorji fil-qasam tal-ħiliet u l-impjegar li jissorveljaw il-ħadiema mdaħħla fiż-żmien fis-suq tax-xogħol (iqisu l-ħiliet) u l-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Dawn it-tipi ta’ osservatorji jistgħu jinkludu s-setturi, il-lokalitajiet u r-reġjuni (inklużi r-reġjuni transkonfinali).

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 157 tat-28.6.2005), “Strateġiji biex tiġi estiża l-età li l-ħaddiema jistgħu joħorġu mis-suq tax-xogħol”, rapporteur: is -Sur G Dantin (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 120 tas-16.5.2008), “Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet” – rapporteur: is-Sur J Lahier.

(2)  SOC/232 – “Il-kwalità tal-ħajja professjonali, il-produttività u l-impjiegi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi”, rapporteur: is-Sur Engelen-Kefer; (mhux disponibbli bil-Malti) SOC 271 “ Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata” (rapporteur: is-Sur Clever; SOC/291, “It-tagħlim lill-adulti”, rapporteur: is-Sur Heinish.

(3)  CVTS3, l-Eurostat.

(4)  Active ageing and labour market trends for older workers (Ix-xjuħija attiva u t-tendenzi tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien): id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Ugwali – Unità D1 – (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Dan it-tip ta’ konsulenza (“mentoring”) huwa mezz kif l-oħrajn jiġu megħjuna fuq il-bażi tal-esperjenza (professjonali) tal-konsulent innifsu. Il-kowċing huwa kunċett usa’ li jista’ jinkludi l-mentoring, iżda l-ambitu tiegħu huwa usa’. Kowċ jiffoka fuq il-proċess tat-tagħlim u fuq il-ksib tal-objettivi.

(6)  L-akkumpanjament (“shadowing”) jinvolvi l-ħaddiema ‘l fuq minn 50 sena li jiggwida lill-impjegati żgħażagħ, b’mod partikolari impjegati ġodda, fix-xogħol tagħhom. Dan il-metodu huwa partikolarment utli biex l-impjegati żgħażagħ jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ proċeduri u azzjonijiet speċifiċi, peress li l-impjegati żgħażagħ ma jkunux konxji tal-eżistenza jew l-iskala tagħhom.

(7)  Opinjoni tal-KESE tat-22.10.2008 dwar “Il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (CESE 1678/2008); Opinjoni dwar “It-twaqqif ta’ Qafas Ewropew għall-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja”, rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 175, 27.7.2007); Opinjoni dwar “It-Tagħlim lill-Adulti — It-tagħlim dejjem żmienu”, rapporteur: is-Sinjura Heinisch, korapporteurs: is-Sinjura Le Nouail Marlière u s-Sur. Rodríguez García-Caro (ĠU C 204, 9.8.2008).

(8)  B. McIntosh “An employer’s guide to older workers”.

(9)  Preżentazzjoni ta’ bażi tad-data dwar l-inizjattivi b’rabta mal-impjegar ta’ forza tax-xogħol li qed tikber fl-età: Gerlinde Ziniel, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Relazzjonijiet trans-Atlantiċi: kif għandha tittejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

2009/C 228/05

Nhar it-17 ta’ Jannar 2008, fis-sessjoni plenarja tiegħu, b’konformità mar-Regola 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

ir-Relazzjonijiet trans-Atlantiċi: Kif għandha tittejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Marzu 2009. Ir-Rapporteur kienet is-Sinjura CARR u l-korapporteur kien is-Sur KRAWCZYK.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’196 vot favur, 7 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti llum qed isiru f’ambjent ġdid u qed jiffaċċjaw sfidi u stennijiet dejjem ikbar. L-elezzjoni tal-President OBAMA ħolqot stennijiet għoljin fid-dinja kollha u ottimiżmu mġedded dwar il-potenzjal tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. F’ħafna oqsma, mir-reazzjoni komuni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali għall-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-relazzjoni ekonomika bilaterali, hemm tama ġenwina li l-UE u l-Istati Uniti se jaħdmu flimkien u jipprovdu sens ta’ direzzjoni.

1.2

Is-soċjetà ċivili Ewropea u Amerikana u l-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti ferm x’jaqdu biex jikkontribwixxu għal din il-kooperazzjoni mġedda permezz tan-natura rappreżentattiva tagħhom jew il-kompetenza tagħhom f’oqsma partikolari.

1.3

Il-KESE jħeġġeġ lill-persuni inkarigati mit-tfassil tal-politika tal-UE biex jaħtfu l-opportunità u, bi qbil mal-Istati Uniti u bil-kooperazzjoni tagħhom, jisħqu fuq ir-riformi meħtieġa fis-sistema tan-NU, il-WIPO (1), il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-G8, il-G20, id-WTO, il-Bank Dinji, l-FMI, u t-tisħiħ tal-ILO, sabiex dawn l-istituzzjonijiet isiru iktar effikaċi meta jiġu biex isolvu l-isfidi fit-tul marbutin mad-dinja globalizzata li ngħixu fiha u mal-kriżi finanzjarja globali attwali.

1.4

Fid-dawl tal-gravità tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tal-ekonomija għandha tiġi intensifikata. Bħala l-ewwel pass, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet monetarji u fiskali tagħhom aħjar biex jistimolaw l-ekonomija globali permezz tal-G20. Għandhom jaħdmu id f’id sabiex iħejju approċċ ġdid għal regolazzjoni effettiva u effiċjenti tas-sistema finanzjarja globali, bil-għan li l-ekonomija qatt ma terġa’ tiġi mhedda mit-teħid ta’ riskju eċċessiv. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari u vinkolanti għall-finanzi internazzjonali fi ħdan riforma radikali tal-korpi ekonomiċi internazzjonali, sabiex jingħata sinjal qawwi liċ-ċittadini u lill-intrapriżi.

1.5

L-għan tal-Qafas għall-Iżvilupp tal-Kooperazzjoni Ekonomika Trans-Atlantika – biex jinkisbu integrazzjoni u tkabbir trans-Atlantiku ekonomiku ikbar li minnu jibbenefikaw iċ-ċittadini tagħna u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna – jista’ jintlaħaq taħt is-superviżjoni tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (KET).

1.6

Il-Qafas huwa bbażat fuq l-idea ta’ kooperazzjoni regolatorja. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom ħafna affarijiet komuni fil-valuri li huma l-bażi tal-approċċi għar-regolazzjoni tal-ekonomiji tagħhom, iżda f’ċerti oqsma kien hemm ukoll nuqqas ta’ qbil. Kooperazzjoni regolatorja timplika li t-tnejn jaħdmu flimkien mill-bidu nett biex flimkien jidentifikaw il-problemi soċjali, ambjentali u ekonomiċi u s-soluzzjonijiet tagħhom. Fil-kuntest tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromovu l-mudell soċjali Ewropew, li huwa bbażat fuq sistemi avvanzati ta’ protezzjoni soċjali u ta’ djalogu ċivili u soċjali.

1.7

Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku għandu xogħol importanti x’jagħmel fil-futur qarib:

Is-soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja globali u l-konsegwenzi tagħhom għall-ekonomija iktar wiesgħa ser jeħtieġu sistemi regolatorji ġodda fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku.

Billi l-UE u issa l-Istati Uniti wkoll ser jagħmlu sforzi kbar biex jegħlbu l-problema tal-bidla fil-klima, se jqumu ħafna kwistjonijiet regolatorji. Il-KET ser ikollu bżonn jiżgura li l-effikaċja tagħhom tiġi massimizzata filwaqt li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

Il-protezzjoniżmu kien aggrava l-Great Depression tas-snin tletin. It-TEK ser ikollu jaqdi rwol fil-monitoraġġ tat-tendenzi protezzjonisti fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u fid-dinja kollha kemm hi.

Il-KET għandu aġenda wiesgħa għall-inizjattivi regolatorji tiegħu dwar il-kooperazzjoni. Għad hemm differenzi kbar u superfluwi fil-mod li bih isiru r-regolamenti l-ġodda fl-UE u fl-Istati Uniti, b’kunsiderazzjoni tal-interessi tal-partijiet interessati kollha.

Il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali qed jinxtered mad-dinja kollha. Il-KET għandu jkompli jtejjeb l-isforzi konġunti ta’ rinfurzar f’żoni fejn il-problema tinħass l-iktar, bħaċ-Ċina. Għandu jmexxi dibattiti dwar kif tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali filwaqt li, pereżempju, jingħata aċċess għall-mediċini bi prezz raġonevoli.

Il-KET għandu wkoll itejjeb il-mekkaniżmi tiegħu għall-koooperazzjoni. Għandu jingħata riżorsi ikbar u kriterji iktar ċari biex jinkludi kwistjonijiet ġodda fl-aġenda.

Għandha tittejjeb u titwessa’ wkoll il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati biex id-Djalogi jiġu inklużi f’livell ugwali.

Il-leġiżlaturi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku għandhom jingħataw rwol ikbar fil-proċess.

1.8

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u oħrajn, huwa kruċjali li l-proċess tal-KET ikompli għaddej taħt l-Amministrazzjoni tal-President OBAMA kif ukoll taħt il-Kummissjoni u l-Parlament il-ġodda tal-UE. Il-KESE jistieden lill-President Obama jaġixxi malajr sabiex jaħtar Kopresident ġdid tal-KET għall-Istati Uniti biex ix-xogħol tant importanti li dan jagħmel ikun jista’ jibqa’ għaddej.

1.9

L-isfidi ekonomiċi attwali jistgħu jiġu biss aggravati mir-ritorn fuq skala globali lejn sistema protezzjonista, kif kien ġara fi żmien il-kriżi ekonomika tas-snin tletin. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien sabiex jirrispettaw l-impenji li ħadu l-mexxejja tas-Summit tal-G20 f’dan ir-rigward fil-15 ta’ Novembru 2008 u sabiex jagħmlu li jistgħu biex jilħqu konklużjoni bikrija u effettiva tar-Ronda ta’ Doha, kif ukoll biex jipprevienu l-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ u l-investiment.

Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien sabiex jevitaw li ħaddieħor jirrikorri għal politiki li jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-investiment jew għas-swieq tal-akkwist pubbliku, hekk kif b’xorti ħażina ħareġ minn diskussjonijiet reċenti fil-Kungress. Jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jindirizzaw il-kwistjoni dwar il-mod kif il-kummerċ dinji jista’ jerġa’ jingħata l-ħajja sabiex jissaħħu n-negozjati kummerċjali globali billi jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli u standards soċjali.

1.10

Il-KESE jilqa’ t-tħassib tal-President OBAMA dwar il-bżonn li jittaffu l-effetti negattivi ta’ aġġustament fil-kummerċ fuq ċerti ħaddiema jew ċittadini partikolari.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ finanzjament għad-Djalogi Trans-Atlantiċi (it-TABD (2), it-TACD (3), it-TALD (4) u t-TAED (5), u li t-TALD u t-TAED jiġu inklużi fil-Grupp ta’ Konsulenti tal-KET.

1.12

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Uniti biex itejbu l-aċċessibbilità u t-trasparenza tal-proċess għal djalogu trans-Atlantiku u biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, anke dawk esterni għall-erba’ Djalogi.

1.13

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur qarib torganizza laqgħa trans-Atlantika mal-partijiet interessati biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni l-ġdida u biex ikun hemm skambju ta’ ideat u koordinazzjoni tal-azzjoni fir-rigward tal-inizjattivi l-ġodda. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni f’suġġeriment li ressqet fil-Komunikazzjoni tal-2005 biex tiġi organizzata konferenza bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijet industrijali.

1.14

Min-naħa tiegħu, il-KESE jipproponi li jniedi kuntatti mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali tal-Istati Uniti u li jsegwi mill-qrib it-twaqqif ta’ gruppi konsultattivi fl-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, sabiex jiġu identifikati l-kontropartijiet potenzjali fuq diversi kwistjonijiet. Il-KESE ser ifittex ukoll mezzi biex jippromovi b’mod iktar effikaċi l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili tal-Istati Uniti. Biex jagħmel dan, il-KESE għandu jwaqqaf grupp ta’ kuntatt informali li jissorvelja l-attivitajiet tal-KESE fil-qasam tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi.

1.15

Il-KESE jħoss li jkun ta’ siwi kbir jekk l-UE u l-Istati Uniti jintensifikaw il-kollaborazzjoni tagħhom fil-kamp tax-xjenza u l-kultura (id-djalogu kulturali), sabiex din isservi bħala bażi għal fehim reċiproku importanti u kollaborazzjoni politika sinifikanti. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex jippromovu u jiffavorixxu l-kreattività mhux biss fil-qasam tax-xjenza, it-teknika u l-innovazzjoni iżda, b’mod partikolari, fil-kamp tal-espressjoni artistika, biex jinbnew sisien għat-tnedija mill-ġdid ta’ valuri ġodda u għall-iżvilupp u l-arrikkiment tan-nisa u l-irġiel.

2.   Sfond

2.1

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti llum qed isiru f’ambjent ġdid u qed jiffaċċjaw sfidi u stennijiet dejjem ikbar. L-elezzjoni tal-President OBAMA ħolqot stennijiet għoljin fid-dinja kollha u ottimiżmu mġedded dwar il-potenzjal tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. F’ħafna oqsma, mir-reazzjoni komuni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali għall-kwistjonijiet tal-bidla fil-klima, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew ir-relazzjoni ekonomika bilaterali, hemm tama ġenwina li l-UE u l-Istati Uniti se jaħdmu flimkien u jipprovdu sens ta’ direzzjoni. Fl-opinjoni tiegħu (6) tal-2007 il-KESE identifika sensiela ta’ kwistjonijiet, inkluż il-bżonn ta’ gvernanza globali mtejba li għandu jiġi inkluż fl-aġenda Trans-Atlantika. Ċerti avvenimenti reċenti jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam.

2.2

L-isfidi li l-UE, l-Istati Uniti u d-dinja b’mod ġenerali qegħdin jiffaċċjaw bħalissa huma serji u hemm bżonn ta’ approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija globali qatt ma terġa’ tkun soġġetta għall-ħsara mwettqa mill-kaptialiżmu finanzjarju sfrenat. L-ekonomija trans-Atlantika u globali tinsab f’waħda mill-agħar kriżijiet ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-fenomenu tal-bidla fil-klima jeħtieġ azzjoni mill-partijiet ikkonċernati kollha biex isir progress, u hemm bżonn li jiġu indirizzati ħafna kwistjonijiet importanti fil-qasam tal-politika barranija jekk irridu nippromovu l-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja. Mingħajr kooperazzjoni ikbar bejn l-UE u l-Istati Uniti, l-isforzi tagħna biex dawn il-problemi jiġu solvuti ma jkunux biżżejjed.

2.3

Is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali Ewropej għandhom rwol importanti ferm x’jaqdu biex jikkontribwixxu għal din il-kooperazzjoni mġedda, permezz tan-natura rappreżentattiva tagħhom jew il-kompetenza tagħhom f’oqsma partikolari. Biex dan isir, huwa vitali li l-ħafna korpi politiċi li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti jiddjalogaw bejniethom, jimpenjaw ruħhom favur djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha. Il-moviment ħieles taċ-ċittadini jirrapreżenta pass importanti ieħor fit-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti billi jħeġġeġ l-iskambju kummerċjali, kulturali u soċjali. L-estensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr bżonn ta’ visa bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti għandha tkompli tiżviluppa bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi.

2.4

Sal-lum, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti saru fil-qafas tad-Dikjarazzjoni Trans-Atlantika (7) ta’ Novembru tal-1990, segwita mill-Aġenda Trans-Atlantika l-Ġdida (8) (NTA) tal-1995 u mis-Sħubija Ekonomika Trans-Atlantika (9) (TEP) ta’ Mejju tal-1998. Żvilupp istituzzjonali ieħor kien l-iffirmar tal-Qafas għall-Iżvilupp tal-Integrazzjoni Ekonomika Trans-Atlantika (10) f’April 2007, li ħoloq il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (KET) (11).

2.5

S’issa, dawn l-forom kollha ta’ interazzjoni politika iktar iffukaw fuq il-politika barranija u kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali milli fuq kwistjonijiet soċjali u ta’ sostenibbiltà. Barra minn hekk, bi ftit eċċezzjonijiet, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, li għandhom tradizzjoni u azzjoni b’saħħitha kemm fin-numru ta’ pajjiżi Ewropej kif ukoll fil-livell tal-UE, għadha ma saritx element b’saħħtu fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti. Flimkien mat-tisħiħ u t-titjib ta’ dak li qiegħed jaħdem tajjeb, f’dan il-perijodu l-ġdid ta’ kooperazzjoni trans-Atlantika, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jindirzzaw l-oqsma fejn hemm bżonn ta’ titjib.

2.6

L-opinjoni mhix ser tkopri l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. Mhijiex ser tkopri l-Kanada u ser tiffoka fuq xi kwistjonijiet marbutin mar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti bħall-multilateraliżmu, il-kummerċ, il-kooperazzjoni ekonomika trans-Atlantika, il-bidla globali fil-klima u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kanada għandhom jiġu analizzati separatament f’opinjoni oħra tal-KESE.

3.   Il-multilateraliżmu

3.1

F’dawn l-aħħar snin, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti kienu kkaratterizzati minn approċċi differenti lejn l-istituzzjonijiet multilaterali. Hemm ħafna x’jagħti lil wieħed x’jifhem li l-Amministrazzjoni Amerikana l-ġdida ser issegwi politika ta’ kooperazzjoni msaħħa kemm mal-imsieħba alleati kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jinkoraġġixxi lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE biex jaħtfu l-opportunità u, bi qbil mal-Istati Uniti u f’kooperazzjoni magħhom, jagħmlu pressjoni biex isiru r-riformi meħtieġa għat-tisħiħ tas-sistema tan-NU, li tinkludi l-ILO, il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-WIPO, il-G8, il-G20, id-WTO, il-Bank Dinji u l-FMI, biex dawn l-istituzzjonijiet isiru iktar effettivi sabiex jiġu solvuti l-isfidi fit-tul marbutin mad-dinja globalizzata li ngħixu fiha u mal-kriżi finanzjarja globali attwali. Il-KESE jaqbel mal-proposta li għamlet il-Kanċilliera Merkel f’Pariġi f’Jannar dwar l-introduzzjoni ta’ Kunsill għas-Sigurtà Ekonomika u Soċjali fis-sistema tan-NU. Dan għandu jkun fl-istess livell tal-Kunsill tas-Sigurtà.

3.2

Waħda mil-lezzjonijiet li tgħallimna mis-snin li għaddew hija li kull darba li l-UE u l-Istati Uniti ma jkunux jistgħu jaslu għal kunsens, il-problemi globali l-kbar ma jkunux jistgħu jiġu solvuti. Biex din is-sitwazzjoni titjieb taħt l-Amministrazzjoni l-ġdida, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu mill-qrib biex jiddefinixxu l-strateġiji komuni tagħhom dwar ħafna kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà dinjija u d-drittijiet tal-bniedem.

3.3

Tmexxija trans-Atlantika mhijiex alternattiva iżda tikkomplementa r-relazzjonijiet multilaterali għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti. Huma jibqgħu l-iktar żewġ atturi importanti fuq il-palk dinji, u għalhekk hemm bżonn li jikkollaboraw jekk jixtiequ li kwistjoni timxi ’l quddiem fi kwalunkwe arena internazzjonali, kemm jekk tkun il-ġestjoni tal-liberalizzazzjoni kummerċjali jew rispett ikbar għal ċerti politiki tax-xogħol u tal-ħarsien ambjentali.

3.4

Sabiex l-UE u l-Istati Uniti jkunu jistgħu juru l-kapaċità ta’ tmexxija tagħhom fil-livell globali, huwa essenzjali li l-ftehimiet multilaterali jiġu applikati u implimentati bis-sħiħ. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni għandu jkun ir-ratifika u l-implimentazzjoni min-naħa tal-UE, l-Istati Membri u l-Istati Uniti tal-Konvenzjonijiet kollha tal-ILO (12) u d-deċiżjonijiet tad-WTO.

4.   Kooperazzjoni Ekonomika

4.1   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika

4.1.1

Hekk kif id-dinja qiegħda tiffaċċja l-agħar kriżi finanzjarja u l-iktar sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-kooperazzjoni ekonomika trans-Atlantika għandha tiġi intensifikata. Bħala punt ta’ tluq, dan ifisser li l-miżuri monetarji u fiskali meħudin fuq iż-żewġ naħat għandhom jittieħdu b’mod ikkoordinat sabiex ikunu effettivi fl-ekonomiji interkonnessi tagħna. Il-KESE jinsab inkwetat li s’issa dan ma kienx suffiċjenti. L-UE u l-Istati Uniti għandhom itejbu l-impenn tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-G20, bi qbil ma’ atturi ekonomiċi ewlenin oħra li jmexxu lill-ekonomiji tagħna ’l quddiem. Il-Pjan Amerikan għall-Irkupru u r-Riinvestiment, adottat fi Frar 2009, u l-Pjan Ewropew għall-Irkurpu Ekonomiku, adottat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2008, huma simili ħafna għalkemm il-pjan Ewropew ibati minn ċertu nuqqas ta’ unità fl-iskop tiegħu. Dawn għandhom jiġu żviluppati bil-għan li jikkomplementaw lil xulxin u li jiġu evitati l-miżuri protezzjonisti.

4.1.2

It-tieni pass lejn l-irkupru huwa l-iżvilupp ta’ approċċ komuni ġdid sabiex tiġi żgurata regolazzjoni effettiva u effikaċi tas-sistema globali finanzjarja ġdida bil-għan li l-ekonomija qatt ma terġa’ tkun mhedda minn teħid ta’ risku eċċessiv. Iż-żewġ naħat jimplimentaw miżuri regolatorji u hemm bżonn ta’ koordinazzjoni stretta sabiex jiġu evitati d-diverġenzi żejda. Għaldaqstant, il-KET u l-Qafas tal-2007 li jimplimenta issa huma ferm iżjed importanti minn qatt qabel.

4.2   Il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

4.2.1

L-għan tal-Qafas għall-Iżvilupp tal-Kooperazzjoni Ekonomika Trans-Atlantika huwa “integrazzjoni ekonomika trans-Atlantika fil-fond u tkabbir li jibbenefika liċ-ċittadini tagħna u lill-kompetittività tal-ekonomiji tagħna.” Dan għandu jinkiseb bis-superviżjoni tat-TEK, li għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u li għandu l-mandat li “jissorvelja l-isforzi stipulati fil-Qafas, bil-għan li jaċċelera l-progress,” kif ukoll li jistabbilixxi l-objettivi interim u jiffaċilita l-azzjoni konġunta. Mandat bħal dan jagħti lill-KET awtorità konsiderevoli biex ikun jista’ jmexxi l-integrazzjoni ekonomika trans-Atlantika, speċjalment fi żmien ta’ kriżi.

4.2.2

Il-Qafas huwa bbażat fuq l-idea ta’ kooperazzjoni regolatorja. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom ħafna affarijiet komuni fil-valuri li huma l-bażi tal-approċċi għar-regolazzjoni tal-ekonomiji tagħna. Naqblu dwar il-fatt li l-għan tar-regolazzjoni huwa li jiġu ggarantiti standards għoljin għall-ħarsien tal-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà tal-bnedmin u l-annimali kif ukoll is-sigurtà ekonomika u legali. Nemmnu wkoll li r-regolazzjoni għandha tikseb dawn ir-riżultati bl-iktar mod effiċjenti, bl-inqas tfixkil għall-attività ekonomika possibbli u bl-aqwa għarfien espert. Huwa veru li hemm xi differenzi, kif urew xi każijiet tad-WTO. Uħud minn dawn huma r-riżultat ta’ attitudni differenti fost iċ-ċittadini. Madankollu, f’ħafna każijiet l-UE u l-Istati Uniti jadottaw approċċi differenti sempliċement minħabba nuqqas ta’ konsultazzjoni bejn ir-regolaturi u s-soċjetà ċivili. Kooperazzjoni regolatorja timplika ħidma konġunta mill-bidu nett, inkuż permezz ta’ kuntatt mas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu identifikati, b’mod konġunt, il-problemi soċjali, ambjentali u ekonomiċi u s-soluzzjonijiet tagħhom.

4.2.3

Settur li jista’ jibbenefika minn kuntatt ikbar mas-soċjetà ċivili huwa dak tas-sigurtà tal-ikel. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti ilhom ostakolati minn għadd ta’ differenzi f’dan is-settur, inklużi regolamenti dwar l-ormoni fil-laħam taċ-ċanga u t-trattamenti antimikrobiċi għat-tiġieġ. F’dawn il-każijiet, l-UE ma kenitx lesta taċċetta l-istandards tal-Istati Uniti. Qam nuqqas ta’ qbil ukoll dwar l-użu ta’ organiżmi ġenetikament immodifikati fl-ikel.

4.2.4

S’issa t-TEK iltaqa’ tliet darbiet, l-aħħar darba f’Washington DC fit-12 ta’ Diċembru 2008. Minkejja t-twaqqif reċenti tiegħu, it-TEK ippermetta li jsiru passi kbar ‘il quddiem f’oqsma ċentrali għall-komunità ekonomika:

Il-KET wassal għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-istandards internazzjonali tar-rappurtaġġ finanzjarju u tal-istandards tal-kontabilità fl-Istati Uniti, kemm mill-awtoritajiet tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, u b’hekk il-kumpaniji Ewropej iffrankaw il-biljuni.

Permezz tad-diskussjonijiet fil-qafas tal-KET, l-UE u l-Istati Uniti adottaw approċċi kkoordinati għall-ħruġ ta’ fondi ta’ investimenti sovrani.

Dwar is-sigurtà, iż-żewġ naħat qablu li jadottaw pjan ta’ direzzjoni li jwassal għal rikonoxximent reċiproku tal-programmi rispettivi ta’ trasport marittimu sikur matul din is-sena; dan ifisser li fil-ġejjieni l-kumpaniji ser ikunu jistgħu jiggarantixxu l-ogħla standards ta’ sigurtà filwaqt li jissieħbu fi programm ta’ trasport marittimu sikur wieħed biss.

Il-Forum ta’ Kooperazzjoni Regolatorja f’Livell Għoli tal-KET qed ifittex fatturi komuni bejn ir-regolaturi fi kwistjonijiet bħall-valutazzjoni tal-impatt u tar-riskji u s-sigurtà tal-prodotti importati miċ-Ċina u minn pajjiżi oħra.

4.2.5

B’ħarsa lejn il-ġejjieni, il-KET għandu xogħol importanti x’jagħmel u l-opportunità li jsaħħaħ il-funzjonament tiegħu.

Is-soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja globali u l-konsegwenzi tagħhom għall-ekonomija iktar wiesgħa ser jeħtieġu sistemi regolatorji ġodda fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Mingħajr dubju, dan ir-regolament huwa meħtieġ u għandu jkun approporzjon tal-għanijiet ambizzjużi li għandhom jintlaħqu u, fuq kollox, għandu jkun ikkoordinat bejn iż-żewġ ċentri finanzjarji tad-dinja.

Billi l-pajjiżi tal-UE, u issa l-Istati Uniti wkoll, ser jagħmlu sforzi kbar biex jegħlbu l-bidla fil-klima, ser iqumu ħafna kwistjonijiet regolatorji – bħal standards għall-karburanti nodfa u elementi tekniċi għal skemi ta’ skambju tal-emissjonijiet. Il-KET ser ikollu jiżgura li nisfruttaw l-effikaċja u l-effiċjenza ekonomika ta’ dawn l-isforzi billi jiġu evitati miżuri li mhumiex kumpatibbli.

Inizjattivi ġodda ta’ sigurtà bħall-Cargo Scanning Legislation (100 %) tal-Istati Uniti, tal-2007, ma jagħmlux użu mill-għodod adegwati biex tittejjeb is-sigurtà, u dan jirriżulta fil-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ.

Il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali qed jinxtered mad-dinja kollha. Il-KET għandu jkompli jtejjeb l-isforzi konġunti ta’ rinfurzar f’żoni fejn il-problema tinħass l-iktar, bħaċ-Ċina. Għandu jintegra dibattiti dwar kif tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali filwaqt li jingħata aċċess għall-mediċini bi prezz raġonevoli.

Il-KET għandu aġenda wiesgħa għall-inizjattivi regolatorji tiegħu dwar il-kooperazzjoni. Għad hemm differenzi kbar u superfluwi fil-mod kif ir-regolaturi fl-UE u fl-Istati Uniti jfasslu r-regolamenti l-ġodda – il-valutazzjoni tar-riskju, il-kwalità xjentifika, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, eċċ. Jekk verament irridu ntejbu l-integrazzjoni ekonomika, hemm bżonn ta’ iktar progress f’dawn l-oqsma.

Il-KET għandu wkoll itejjeb il-mekkaniżmi tiegħu għall-koooperazzjoni. Din għandha tiġi pprovduta b’riżorsi ikbar u bi struttura iktar definita – pereżempju, kriterji ċari biex jitqiegħdu kwistjonijiet ġodda fuq l-aġenda tiegħu u l-għoti ta’ mandat iktar espliċitu biex jinkoraġġixxi r-regolaturi jsibu soluzzjonijiet għad-differenzi ta’ bejniethom. Il-leġiżlaturi taż-żewġ naħat għandhom jingħataw rwol iktar importanti fil-proċess.

Element ewlieni ieħor ser ikun it-titjib tal-kosultazzjoni tal-partijiet interessati permezz ta’ trasparenza u koordinazzjoni ikbar (ara punt 6).

4.2.6

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u oħrajn, huwa kruċjali li l-proċess tal-KET jitkompla u jiġi żviluppat mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti kif ukoll mill-Kummissjoni u l-Parlament il-ġodda tal-Unjoni Ewropea. Il-KESE jistieden lill-Amministrazzjoni taġixxi malajr sabiex taħtar Kopresident ġdid tal-KET għall-Istati Uniti biex ix-xogħol tant importanti li dan jagħmel ikun jista’ jibqa’ għaddej.

4.3   Kummerċ

4.3.1

L-isfidi ekonomiċi attwali jistgħu jiġu aggravati ħafna mir-ritorn fuq skala globali lejn sistema protezzjonista, kif kien ġara fi żmien il-kriżi ekonomika tas-snin tletin. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien sabiex jirrispettaw l-impenji li ħadu l-mexxejja tas-Summit tal-G20 f’dan ir-rigward fil-15 ta’ Novembru 2008 u sabiex jagħmlu li jistgħu biex jilħqu konklużjoni bikrija u effettiva tar-Ronda ta’ Doha, kif ukoll biex jipprevienu l-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ u l-investiment. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu l-impenji kummerċjali eżistenti bejn l-imsieħba kummerċjali ewlenin hekk kif it-tentazzjoni tal-protezzjoni tal-kumpaniji domestiċi qiegħda tikber. B’mod speċjali, għandhom jagħtu l-eżempju sabiex jiskoraġġixxu lil ħaddieħor milli jirrikorri għal politiki li jistgħu jillimitaw l-aċċess għall-investiment jew għas-swieq tal-akkwist pubbliku, bil-kontra ta’ dak li ħareġ mid-diskussjonijiet reċenti fil-Kungress Amerikan. Jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jindirizzaw il-kwistjoni dwar il-mod kif il-kummerċ dinji jista’ jerġa’ jingħata l-ħajja sabiex jissaħħu n-negozjati kummerċjali globali billi jiġu inklużi kunsiderazzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli u standards soċjali.

4.3.2

Ikun xieraq li l-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan il-qasam b’riżq l-imsieħba kummerċjali tagħha. F’din il-fażi bikrija din tidher li tixtieq tpoġġi enfasi ikbar fuq l-aspetti ambjentali u soċjali tal-kummerċ u tadotta approċċ iktar miftuħ fil-qasam tal-kummerċ.

4.3.3

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir dan l-approċċ għall-kummerċ internazzjonali u jirrakkomanda li l-UE tappoġġja kull sforz għall-iżvilupp tal-ftehimiet kummerċjali li jtejjeb il-provvista ta’ gvernanza tajba jew id-domanda għaliha fil-livell nazzjonali u internazzjonali u li jindirizza d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-ambjent.

5.   Il-bidla fil-klima madwar id-dinja

5.1

Il-pajjiżi Ewropej ilhom żmien twil fil-quċċata tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Ilhom jistennew li l-Istati Uniti jingħaqdu magħhom b’inizjattivi ambizzjużi. L-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti wiegħdet li ser tagħmel sforzi straordinarji biex tindirizza l-bidla fil-klima madwar id-dinja. Il-KESE jilqa’ bil-quddiem il-politiki msaħħa l-ġodda tal-Istati Uniti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Minbarra l-pjan ta’ mekkaniżmu għal-limiti u l-iskambji tal-kwoti li jillimita l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-industriji l-kbar, l-Amministrazzjoni ta’ OBAMA aktarx ser iżżid l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli. L-azzjoni favur l-irkupru tat-tkabbir għandha – fuq skala globali – tintuża bħala opportunità biex jinħolqu impjiegi marbutin mal-ambjent u biex l-investiment u l-innovazzjoni jaqbdu din id-direzzjoni.

5.2

Il-KESE jilqa’ l-pjanijiet tal-Istati Uniti għall-investiment domestiku f’teknoloġiji effiċjenti u nodfa u l-użu ta’ politiki ta’ għajnuna u ta’ promozzjoni tal-esportazzjoni sabiex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jaqbżu l-fażi ta’ żvilupp b’użu intensiv tal-karbonju; il-KESE jilqa’ wkoll it-talbiet għal impenn vinkolanti u infurzat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

5.3

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Uniti jattendu l-Konferenza tan-NU f’Kopenħagen f’Diċembru tal-2009 b’pożizzjoni ta’ negozjar soda u ċara, li tqarreb l-opinjonijiet tal-Istati Uniti u tal-UE, bi tħejjija għal qafas post-Kjoto internazzjonali ġdid dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-UE qiegħda tistenna impenn sħiħ u appoġġ għan-negozjati tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC).

5.4

Min-naħa tal-UE, biex jitfassal approċċ iktar koerenti għall-ksib tal-għanijiet tal-UE dwar il-klima, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jaslu għal kunsens biex tingħeleb it-tensjoni bejn il-kompetittività ekonomika u sagrifiċċji ikbar għall-ambjent, u biex ma jitnaqqasx l-investiment f’inizjattivi ġodda għal riċerka dwar teknoloġiji ġodda li jirrispettaw l-ambjent minħabba l-kriżijiet ekonomiċi globali.

5.5

Il-KESE jappella kemm lill-Kummissjoni tal-UE kif ukoll lill-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti biex jinvolvu lill-organizzazzjonijiet non-governattivi u n-netwerks ambjentali u lill-partijiet interessati fil-qasam tan-negozju u tat-trejdjunjins, bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU li ser issir f’Kopenħagen f’Diċembru tal-2009, kif ukoll biex jerġgħu jistabbilixxu d-Djalogu Trans-Atlantiku dwar l-Ambjent (TAED) li jista’ jaqdi r-rwol ta’ koordinatur tal-partijiet interessati mis-settur tal-ambjent kif ukoll ta’ sieħeb f’dawn it-tħejjijiet.

6.   Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati

6.1

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi għandha tradizzjoni differenti fl-UE u fl-Istati Uniti. L-Aġenda Trans-Atlantika l-Ġdida rabtet lill-UE u lill-Istati Uniti f’kooperazzjoni sistematika, fost l-oħrajn f’oqsma bħall-ħolqien ta’ kuntatti bejn il-persuni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. B’riżultat ta’ dan, tħejjew numru ta’ Djalogi fis-soċjetà ċivili bejn il-gruppi tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u dawk ambjentali.

Id-Djalogi Trans-Atlantiċi stabbiliti fit-tieni nofs tas-snin disgħin ma kinux attivi bl-istess mod u ma kinux involuti b’mod ugwali fl-istrutturi tal-UE u l-Istati Uniti, speċjalment fis-Summits bejn l-UE u l-Istati Uniti, li ffukaw biss fuq id-Djalogu Trans-Atlantiku dwar in-Negozju (TABD). Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Konsulenti għall-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku jinkludi biss it-TABD, id-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Konsumaturi (TACD) u d-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD). Iż-żewġ Djalogi l-oħra – id-Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol (TALD) u d-Djalogu Trans-Atlantiku dwar l-Ambjent (TAED) – ġew esklużi mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

6.2

F’dan il-kuntest, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku, il-Parlament Ewropew sejjaħ għall-inklużjoni tal-Presidenti tat-TALD u tat-TAED fil-Grupp ta’ Konsulenti. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lil din l-istedina tal-Parlament Ewropew u jistieden lill-KET jirrevedi l-Arranġamenti ta’ Ħidma tiegħu, li ġew adottati mill-Kopresidenti tal-KET f’Berlin fit-28 ta’ Ġunju 2007.

6.3

L-Arranġamenti ta’ Ħidma l-ġodda għandhom ukoll jinkludu arranġamenti mtejba għat-trasparenza u l-koordinazzjoni mal-konsulenti, inkluża l-provvista ta’ aċċess għal dokumenti u notifiki ta’ laqgħat f’waqthom.

6.4

Il-KESE japprova s-sejħa l-ġdida li għamel il-Parlament Ewropew fl-Abbozz ta’ Rapport tiegħu dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti, għal fehim aħjar tas-soċjetajiet ċivili involuti (13). Il-KESE għandu jaqdi rwol attiv f’dan il-proċess.

6.5

Id-diversi gruppi ta’ interess involuti fid-Djalogi kollha għandhom ċerta esperjenza fil-bini ta’ netwerks transnazzjonali. L-inizjattivi li ħadu l-Istati Uniti u l-UE fis-snin disgħin biex tiġi riflessa r-realtà l-ġdida tal-integrazzjoni Ewropea ħolqu wkoll opportunitajiet ġodda għall-organizzazzjonijiet trans-Atlantiċi tas-soċjetà ċivili (14).

6.6

L-erba’ Djalogi msemmija hawn fuq bdew l-attivitajiet tagħhom b’rati differenti ta’ suċċess u appoġġ mill-mexxejja politiċi tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. It-TACD qed jaħdem tajjeb u huwa attiv ferm fit-tħejjija tas-Summits bejn l-UE u l-Istati Uniti u fil-ħidma tal-KET.

6.7

Sfortunatament, it-TAED, minkejja bidu relattivament tajjeb, ġie sospiż wara sentejn. Hemm raġunijiet validi favur ir-rikostituzzjoni tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-KET u għas-Summits bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ finanzjament għad-Djalogi u biex it-TALD u t-TAED (dan tal-aħħar wara li jerġa’ jistabbilixxi ruħu) ikunu involuti fil-Grupp ta’ Konsulenti tal-KET.

6.8

Il-KESE jifhem li r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi bilaterali mhumiex neċessarjament l-iktar mezz naturali għall-kooperazzjoni transnazzjonali għal xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fil-każ tal-gruppi tat-trejdjunjins u tal-ambjent, il-forum trans-Atlantiku jikkompeti mhux biss mal-kwistjonijiet domestiċi iżda wkoll ma’ problemi globali, bħal pereżempju t-tibdil fil-klima jew id-dritt tar-rappreżentazzjoni trejdjunjinistika fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Madankollu, meta jiġu involuti iktar partijiet interessati fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-proċess kollu kemm hu jakkwista iktar appoġġ popolari u leġittimità demokratika. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-UE u l-Istati Uniti jtejbu l-aċċessibbiltà u t-trasparenza tal-proċess tad-djalogu trans-Atlantiku kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili.

6.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur qarib torganizza laqgħa mal-partijiet interessati kollha li huma involuti fir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni l-ġdida, iniedu skambju ta’ ideat u jikkoordinaw l-inizjattivi l-ġodda li għandhom jittieħdu. Il-KESE joffri l-kontribut attiv tiegħu f’inizjattiva bħal din, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

6.10

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2005 (COM(2005) 196), il-Kummissjoni għamlet xi suġġerimenti interessanti. Wieħed minnhom kien il-promozzjoni ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali mill-UE u l-Istati Uniti, inkluża konferenza bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali. Dawk is-suġġerimenti, li qatt ma ttieħdet azzjoni fuqhom, għandhom jerġgħu jiġu kkunsidrati – l-iskambji bejn l-imsieħba soċjali tal-UE u l-Istati Uniti jistgħu jkunu partikolarment utli fil-kuntest tal-proposti biex l-Istati Uniti jintroduċu l-Att dwar l-Għażla Libera tal-Impjegat.

6.11

Il-KESE ser iniedi kuntatti mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali tal-Istati Uniti (in-negozji, it-trejdjunjins, il-bdiewa, il-konsumaturi, eċċ.) sabiex jikkonferma l-interess tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ djalogu dwar kwistjoni speċifika jew tnejn, bħall-bidla fil-klima jew il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri suġġetti ta’ interess reċiproku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. L-għan ta’ djalogu bħal dan huwa li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha fl-istess ħin, b’mod differenti mid-Djalogi eżistenti li jaħdmu fil-qasam speċifiku tagħhom jew f’dak tal-organizzazzjonijiet membri tagħhom. Il-KESE ser jistabbilixxi kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jikseb l-appoġġ tagħhom u jidentifika l-interess tagħhom.

6.12

Il-KESE ser isegwi mill-qrib il-ħolqien ta’ gruppi konsultattivi fl-Amministrazzjoni biex jidentifika l-kontropartijiet potenzjali fir-rigward ta’ diversi suġġetti. Il-KESE se jirrifletti wkoll kif għandha ssir promozzjoni aħjar tal-iskambju tal-għerf u tal-esperjenza mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fl-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni. F’dan il-kuntest, ġie propost li s-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni toħloq grupp ta’ kuntatt informali, fuq bażi interim, biex imexxi l-attivitajiet tal-KESE fil-qasam tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. Jekk din l-esperjenza tkun ta’ suċċess, il-grupp ta’ kuntatt ikun jista’ jinħoloq fuq bażi permanenti u formali.

6.13

Fl-Abbozz ta’ Rapport tiegħu, il-Parlament Ewropew insista fuq il-bżonn li jissostitwixxi l-NTA tal-1995 bi Ftehim ta’ Sħubija Trans-Atlantika ġdid, li jipprovdi bażi iktar stabbli u iktar aġġornata għar-relazzjoni (15). Il-KESE jappoġġja din is-sejħa bis-sħiħ u jittama li fin-negozjati dwar dan l-istrument il-ġdid, il-komunitajiet rilevanti mis-soċjetà ċivili Amerikana u Ewropea jiġu inklużi sa mill-bidu nett tal-proċess. L-inklużjoni tas-soċjetà ċivili organizzata tista’ biss issaħħaħ u ttejjeb l-istrutturi istituzzjonali.

6.14

Djalogu mtejjeb jista’ jsaħħaħ l-azzjoni tas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u b’hekk iħeġġeġ il-ħolqien ta’ netwerks effettivi u l-iskambju tal-ideat fi ħdan u bejn in-netwerks tas-soċjetà ċivili trans-Atlantiċi, inklużi d-Djalogi; dan għandu wkoll jipprovdi aċċess tajjeb għall-gvern u jrawwem ir-relazzjonijiet bejn dawn in-netwerks u d-Djalogi u l-gvern/l-amministrazzjoni.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  World Intellectual Property Organization

(2)  Djalogu Trans-Atlantiku dwar in-Negozju

(3)  Djalogu Trans-Atlantiku tal-Konsumaturi

(4)  Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol

(5)  Djalogu Trans-Atlantiku dwar l-Ambjent

(6)  Opinjoni tal-KESE “Djalogu Trans-Atlantiku: kif se tittejjeb ir-Relazzjoni Trans-Atlantika”, ĠU C 241 28.9.2004.

(7)  Dikjarazzjoni Trans-Atlantika dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, 1990: http://ec.europa.eu/external_relations/us/docs/trans_declaration_90_en.pdf

(8)  Ara http://eurunion.org/eu/index.php?option=com_content&task=view&id=2602&Itemid=9

(9)  Ara http://ec.europa.eu/external_relations/us/docs/trans_econ_partner_11_98_en.pdf

(10)  Ara http://www.eu2007.de/de/News/download_docs/April/0430-RAA/022Framework1.pdf

(11)  Ara http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/inter_rel/tec/index_en.htm

(12)  Għar-rati ta’ ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO, ara d-dokument ta’ informazzjoni dwar ir-ratifiki u l-attivitajiet marbutin mal-istandards, Rapport III (Taqsima 2), ILO\konferenza, is-97 sessjoni, 2008.

(13)  Abbozz ta’ Rapport dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti tal-Amerika (2008/2199(INI)).

(14)  Għal informazzjoni fil-qosor dwar id-djalogi, ara l-opinjoni tal-KESE tas-Sinjura Eva Belabed dwar id-Djalogu Trans-Atlantiku: kif se tittejjeb ir-relazzjoni trans-Atlantika, adottata fit-3 ta’ Ġunju 2004. ĠU C 241 28.09.2004

(15)  Abbozz ta’ Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti tal-Amerika (2008/2199(INI)).


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

452 sessjoni plenarja tal-KTR l-24 u s-25 ta' Marzu 2009

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

COM(2008) 165 finali

2009/C 228/06

Nhar it-2 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-White paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur ROBYNS de SCHNEIDAUER.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’54 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-aċċess għal protezzjoni legali effettiva huwa dritt fundamentali stipulat fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk il-KESE jinsisti li jiġi appoġġjat l-aċċess taċ-ċittadini għal din il-protezzjoni, b’mod partikolari meta din il-protezzjoni tintuża sabiex jingħata kumpens għall-ksur tar-regoli dwar l-antitrust, li huwa ta’ ħsara mhux biss għall-kompetituri li jirrispettaw ir-regoli iżda wkoll għall-konsumaturi, l-SMEs u l-impjegati tal-kumpaniji involuti, billi jhedded l-impjiegi u s-saħħa tax-xiri tagħhom. Il-KESE jilqa’ l-White Paper tal-Kummissjoni u jappoġġjaha f’dan ir-rigward. Jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri aktar effettivi li bis-saħħa tagħhom il-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust ikunu jistgħu jirċievu kumpens sħiħ għad-danni mġarrba, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Sistema bilanċjata li tqis l-interessi ta’ kulħadd hija essenzjali għas-soċjetà kollha kemm hi.

1.2

Il-prinċipju ewlieni tal-politika tal-kompetizzjoni għandu jibqa’ li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw b’mod rigoruż l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fl-isfera pubblika. Il-Kumitat huwa konxju tad-diversi diffikultajiet u ostakli li jxekklu l-infurzar privat tad-drittijiet individwali u kollettivi tal-vittmi li jitolbu kumpens sħiħ, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza dawn il-problemi. Dawn l-azzjonijiet għad-danni huma meħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE li għandhom jikkompletaw, mingħajr ma jissostitwixxu jew jipperikolaw, l-infurzar pubbliku. Barra minn hekk, titjib tar-regoli dwar l-infurzar privat fil-ġejjieni ser ikollu effetti pożittivi sabiex jiskoraġġixxi l-ksur potenzjali.

1.3

Il-KESE jqis li hemm bżonn qafas legali sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni legali bil-għan li jiġi assigurat li l-persuni kkonċernati jużaw id-dritt tagħhom għall-kumpens għad-danni kollha mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE, hekk kif inhu stipulat fit-Trattat. Għaldaqstant, jeħtieġ li sew fil-livell Komunitarju sew f’dak tal-Istati Membri jiġu adottati l-miżuri neċessarji, kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti, sabiex jittejbu l-proċeduri legali fl-Unjoni Ewropea u jintlaħaq livell sodisfaċenti minimu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi. Is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti tista’ biss tikkumplementa l-proċeduri tal-qorti. Dawn jistgħu jservu bħala alternattiva interessanti li toffri proċedura anqas formali u anqas għalja, bil-kundizzjoni li ż-żewġ partijiet ikunu verament lesti jikkooperaw u li l-kumpens ġudizzjarju jkun disponibbli b’mod effettiv.

1.4

Fir-rigward tal-azzjonijiet kollettivi, il-KESE jemmen li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi adatti sabiex dawn l-azzjonijiet jittieħdu b’mod effettiv. Il-mekkaniżmi għandhom ikunu bbażati fuq mudell Ewropew u fuq miżuri msejsa fuq il-kultura u t-tradizzjonijiet legali Ewropej biex b’hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja tal-entitajiet akkreditati mil-liġi u tal-gruppi tal-vittmi. Il-miżuri ta’ segwitu għandhom joffru protezzjoni adatta kontra l-introduzzjoni ta’ fatturi li, kif ħareġ fid-dieher minn ġurisdizzjonijiet oħra, x’aktarx wieħed jabbuża minnhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina ma’ inizjattivi oħra sabiex jiġi faċilitat il-kumpens, b’mod partikolari l-inizjattiva li għaddejja bħalissa tad-DĠ SANCO.

1.5

Il-proposti tal-White Paper ikopru qafas legali kumpless li jaffettwa s-sistemi proċedurali nazzjonali u, fost affarijiet oħrajn, ir-regoli dwar il-locus standi, id-divulgazzjoni, il-ħtija u t-tqassim tal-ispejjeż.

1.6

L-aċċess għall-provi u d-divulgazzjoni inter partes għandhom ikunu bbażati fuq id-dimostrazzjoni tal-fatti u fuq kontroll ġuridiku strett tal-plawsibilità tat-talba u tal-proporzjonalità tat-talba għad-divulgazzjoni.

1.7

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni ssegwi l-White Paper u tipproponi l-miżuri adatti sabiex l-objettivi tal-White Paper ikunu jistgħu jintlaħqu filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda mingħajr ma tixxekkel il-ħidma biex jingħelbu l-ostakli tal-aċċess għall-mekkaniżmi effettivi min-naħa tal-vittmi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni kkawżati mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-KESE jenfasizza li l-individwi jew il-kumpaniji li jisfaw vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens mill-parti li tkun ikkawżat id-dannu. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinnota l-fatt li l-assiguraturi ma jipprovdux kopertura għall-konsegwenzi – l-aktar il-kumpens – ta’ ksur intenzjonat tar-regoli dwar l-antitrust. Jinsab konvint li dan iżid l-effett ta’ dissważjoni fuq il-kumpaniji billi l-kumpaniji li jiksru r-regoli dwar l-antitrust ikollhom iħallsu l-ispejjeż kollha marbuta mal-kumpens għad-dannu li jkunu kkawżaw u l-multi stabbiliti għal dan il-ksur tar-regoli.

2.2   Kif diġà osserva l-Kumitat (1), il-politika tal-kompetizzjoni hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħrajn, bħall-politika tas-suq intern u l-politika tal-konsumatur. Għaldaqstant, l-inizjattivi għandhom jiġu kkoordinati kemm jista’ jkun sabiex jiġi faċilitat il-kumpens.

2.3   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iggarantiet id-dritt tal-vittmi – ikunux individwi jew negozji – li jiġu kkumpensati meta jġarrbu xi danni b’riżultat ta’ ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust (2).

2.4   Fid-dawl tad-dibattitu pubbliku li qam wara l-pubblikazzjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni tal-2005 dwar “Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust” (3), il-KESE (4), bħall-Parlament Ewropew (5), appoġġja l-perspettiva tal-Kummissjoni u ħeġġiġha tieħu passi konkreti. B’mod konkret, il-KESE laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, enfasizza l-ostakli li qegħdin jiffaċċjaw il-vittmi bħalissa meta jitolbu kumpens, u fakkar fil-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.5   F’April 2008, il-Kummissjoni ressqet suġġerimenti speċifiċi fil-White Paper (6) tagħha. Il-White Paper tanalizza kwistjonijiet marbutin ma’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli dwar l-antitrust u tindika xi miżuri li jiffaċilitaw tali azzjonijiet. Il-miżuri proposti u l-għażliet ta’ politika huma relatati ma’ dawn id-disa’ suġġetti: il-locus standi; l-aċċess għall-provi; l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-ANK (Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni); il-kriterju tal-ħtija; id-danni; it-trasferiment tal-ispejjeż żejda; il-perijodu ta’ preskrizzjoni; l-ispejjeż tal-azzjonijiet għad-danni; u l-interazzjoni bejn programmi ta’ klemenza u azzjonijiet għad-danni.

2.6   Għat-tfassil tal-White Paper, il-Kummissjoni ħejjiet konsultazzjonijiet wesgħin mar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imħallfin tal-qrati nazzjonali, rappreżentanti tan-negozji, għaqdiet tal-konsumaturi, professjonisti mill-qasam tal-liġi u bosta partijiet ikkonċernati oħra.

2.6.1   Il-kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet hija parti integrali mis-suq intern u hija importanti immens għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. L-għan ewlieni tal-White Paper tal-Kummissjoni huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet legali sabiex il-vittmi jużaw id-dritt tagħhom, stipulat fit-Trattat, li jitolbu kumpens tad-danni kollha mġarrba b’riżultat ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-KE. Għaldaqstant il-kumpens sħiħ għandu jkun il-prinċipju ċentrali.

2.6.2   Il-White Paper tindirizza l-aspetti li ġejjin:

il-locus standi: xerrejja indiretti u kumpens kollettiv;

l-aċċess għall-provi: divulgazzjoni inter partes;

l-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (ANK);

il-kriterju tal-ħtija;

id-danni;

it-trasferiment tal-ispejjeż żejda;

il-perijodi ta’ preskrizzjoni;

l-ispejjeż tal-azzjoni għad-danni;

l-interazzjoni bejn il-programmi ta’ klemenza u azzjonijiet għad-danni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE huwa favur sistema aktar effettiva li bis-saħħa tagħha l-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust ikunu jistgħu jirċievu kumpens ġust għad-dannu li jkunu sofrew. Bħalissa, il-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust jistgħu jitolbu kumpens permezz tal-liġi dwar id-danni ġenerali u tal-liġi proċedurali tal-Istat Membru tagħhom. Madankollu, bosta drabi dawn il-proċeduri ma jkunux biżżejjed biex jiggarantixxu l-kumpens effettiv, b’mod partikolari fil-każi meta ħafna vittmi jkunu sofrew dannu tal-istess tip.

3.2   Il-Kumitat jagħraf l-importanza tal-kwistjonijiet imqajma fil-White Paper. Il-kummenti li ġejjin jiffokaw fuq is-suġġetti li, fil-fehma tal-KESE, huma l-aktar sensittivi fid-dibattitu attwali. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiżgura ruħha li f’kull Stat Membru tal-UE jeżisti kumpens effettiv għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-miżuri meħtieġa għas-segwitu tal-White Paper fil-livell tal-UE. Jagħmel enfasi fuq il-fatt li wieħed għandu jqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà meta jkunu qed jiġu kkunsidrati proposti speċifiċi fil-livell tal-UE, u jfakkar li dawn il-proposti għandhom ikunu adatti għas-sistemi legali u proċedurali tal-Istati Membri.

3.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-vittmi għandhom jirċievu kumpens sħiħ għall-valur reali tal-ħsara li ġarrbu, li jkopri mhux biss it-telf reali jew il-ħsara materjali u morali, iżda wkoll it-telf ta’ profitt u d-dritt li jaqilgħu l-imgħax.

3.3.1   Il-KESE jemmen li l-azzjoni Komunitarja min-naħa tal-Kummissjoni għandha tqis żewġ tipi ta’ strumenti kkombinati u kumplementari:

minn banda, għandha tikkodifika, fi strument leġiżlattiv Komunitarju, l-acquis communautaire dwar it-tip ta’ kumpens li l-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust jistgħu jingħataw;

mill-banda l-oħra, għandu jitfassal qafas ta’ linji gwida mhux vinkolanti għall-kwantifikazzjoni tad-danni, li jista’ jinkludi metodi approssimattivi ta’ kalkolu jew regoli ssemplifikati għall-evalwazzjoni tat-telf.

3.4   Il-KESE jemmen li kull persuna li ġġarrab il-ħsara li tkun kapaċi turi li hemm rabta kawżali mal-ksur għandu jkollha aċċess għall-kumpens. Madankollu, jeħtieġ li jsiru xi sforzi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal akkumulazzjoni inġusta ta’ rikkezza, pereżempju f’każ ta’ xerrejja li ttrasferew spejjeż eċċessivi. Irrispettivament mil-livell (nazzjonali jew Komunitarju) li fih tiġi adottata l-miżura, il-KESE jħoss li f’ċirkustanzi bħal dawn, il-konvenuti għandhom ikunu jistgħu jitolbu difiża tal-“passing on” kontra l-azzjoni għall-kumpens tal-ispejjeż żejda. Fir-rigward tal-piż tal-provi, il-livell tal-provi għal din id-difiża m’għandux ikun iktar baxx mil-livell impost biex l-attur jagħti prova tal-ħsara mġarrba.

3.5   Fid-dawl tal-varjazzjonijiet attwali fil-mod kif il-perijodi ta’ preskrizzjoni qegħdin jiġu kkalkolati, huwa importanti li, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, jiġu standardizzati l-kriterji f’dan ir-rigward. Għalhekk il-KESE jqis li:

il-perijodu ta’ preskrizzjoni m’għandux jibda, f’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, qabel il-ġurnata li fiha jieqaf il-ksur jew qabel ma l-vittma tal-ksur ma tkun taf bil-ksur u bil-ħsara kkważata;

f’kull każ, perijodu ta’ preskrizzjoni ġdid ta’ mill-inqas sentejn għandu jibda ġaladarba d-deċiżjoni ta’ ksur li fuqha jkun ser jibbaża ruħu l-attur sussegwenti tkun saret finali.

3.6   L-interazzjoni bejn l-infurzar pubbliku u l-azzjonijiet għad-danni

3.6.1

Ir-responsabbiltà ewlenija għar-regolazzjoni tas-swieq u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar il-kompetizzjoni fl-UE, bħala kwistjoni ta’ interess pubbliku, għandha tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li kwalunkwe azzjoni futura għandha tappoġġja l-infurzar pubbliku effettiv filwaqt li tiffaċilita l-proċess biex il-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust jingħataw kumpens għad-dannu li jkunu sofrew. L-infurzar pubbliku għandu rwol fundamentali fil-ġlieda kontra l-imġiba antikompetittiva, aktar u aktar minħabba l-fatt li l-Kummissjoni u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni (ANK) għandhom setgħat uniċi fl-oqsma tal-investigazzjoni u tas-soluzzjoni tat-tilwim.

3.6.2

Filwaqt li l-infurzar pubbliku jiffoka fuq il-konformità u d-deterrenza, l-għan tal-azzjonijiet għad-danni huwa li jipprovdu kumpens sħiħ għad-danni li wieħed ikun sofra. Il-kumpens sħiħ għandu jinkludi t-telf effettiv, it-telf ta’ profitti u l-imgħaxijiet.

3.6.3

Fil-valutazzjoni tal-miżuri marbuta mal-kumpens sħiħ u effettiv, il-KESE jistenna li l-qafas ta’ gwida previst għall-kwantifikazzjoni tad-danni jinkludi linji gwida prammatiċi li jkunu jistgħu jintużaw fil-qrati tal-Istati Membri, kif jingħad fil-White Paper.

3.7   Is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti

3.7.1

Filwaqt li jinħtieġ b’mod indispensabbli qafas aktar effettiv għall-kumpens ġudizzjarju għall-vittmi ta’ ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-azzjoni tagħha biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu regoli ta’ proċedura li jseddqu l-ftehim. Bħala alternattiva għall-kumpens ġudizzjarju, is-soluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti tista’ taqdi rwol kumplementari importanti billi tipprovdi kumpens lill-vittmi mingħajr ma jitnaqqas l-aċċess għar-rikors fil-qorti. Barra mill-qorti jistgħu jintlaħqu soluzzjonijiet ġusti aktar malajr u b’inqas spejjeż, filwaqt li l-konfrontazzjoni bejn il-partijiet tkun anqas qawwija u fl-istess ħin jitnaqqas ix-xogħol żejjed tal-qrati. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu tas-sistemi barra mill-qorti fl-UE u ttejjeb il-kwalità tagħhom. Madankollu, il-KESE jinnota li l-mekkaniżmi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jistgħu jservu bħala alternattiva kredibbli biex jipprovdu kumpens lill-vittmi biss jekk ikun hemm mekkaniżmi għall-kumpens ġudizzjarju effettiv mill-qrati – anke permezz ta’ mekkaniżmi kollettivi. Fin-nuqqas ta’ strumenti effettivi għall-kumpens ġudizzjarju, ma jkunx hemm inċentivi biżżejjed għas-soluzzjoni ġusta u konvenjenti għall-partijiet kollha.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-White Paper

4.1   Bħala konsegwenza tal-volum ta’ tranżazzjonijiet legali, jeħtieġ li fis-sistemi legali jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jippermettu l-aggregazzjoni jew l-akkumulazzjoni ta’ azzjonijiet individwali tal-vittmi tal-ksur tar-regoli dwar l-antitrust.

4.1.1   Il-KESE jaqbel mas-suġġeriment tal-Kummissjoni li jiġu kkombinati ż-żewġ mekkaniżmi komplementari li ġejjin sabiex jiġi assigurat kumpens kollettiv għall-vittmi:

l-azzjonijiet rappreżentattivi, li jsiru minn entitajiet kwalifikati (bħall-għaqdiet tal-konsumaturi, ambjentali, ta’ min iħaddem jew tal-vittmi). Il-KESE diġà ressaq opinjoni (7) dwar il-leġittimità tal-biċċa l-kbira ta’ dawn l-azzjonijiet rappreżentattivi;

l-azzjonijiet kollettivi li fihom il-vittmi jiddeċiedu li jiġbru l-azzjonijiet individwali tagħhom għad-danni f’azzjoni waħda.

4.2   Kummenti dwar il-kumpens kollettiv:

4.2.1

Il-kumpens sodisfaċenti tal-vittmi ta’ ksur tar-regoli dwar l-antitrust – kompetituri li jirrispettaw ir-regoli, konsumaturi, SMEs u impjegati ta’ kumpaniji involuti, li huma vittmi indiretti ta’ prattiki li jipperikolaw l-impjieg u s-saħħa tax-xiri tagħhom – huwa tħassib ewlieni għall-KESE. Huwa esprima l-fehma tiegħu dwar “id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum” f’opinjoni fuq inizjattiva proprja (8). B’konformità mal-opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jgħid li l-fatt li wieħed jammetti l-ħtieġa ta’ kumpens jimxi id f’id mal-proċeduri xierqa sabiex jiġu rikonoxxuti u appoġġjati dawn id-drittijiet. Il-ħolqien ta’ azzjoni kollettiva Ewropea huwa waħda mill-possibbiltajiet li qegħdin jiġu diskussi fid-dibattitu dwar kif tali kumpens jista’ jsir effettiv. Il-KESE jemmen li l-miżuri ta’ segwitu għandhom ikunu bilanċjati u jipprovdu garanziji effettivi sabiex jiġu evitati l-abbużi. Għandhom ikunu konformi ma’ proposti oħra dwar il-kumpens kollettiv, jiġifieri dawk li għaddejjin bħalissa fid-DĠ SANCO, u għandhom jiġu indirizzati b’mod koordinat u koerenti bil-għan li jiġi evitat l-irduppjar bla bżonn tal-istrumenti ġudizzjarji billi dan joħloq diffikultajiet kbar b’rabta mat-transpożizzjoni u l-applikazzjoni fl-Istati Membri.

4.2.2

Il-KESE jappoġġja l-kunsens ġenerali bejn il-politiċi u l-paritijiet interessati Ewropej li l-UE għandha tevita r-riskju tal-abbużi bħal dawk li saru fl-Istati Uniti. Il-miżuri ta’ segwitu għandhom jirriflettu t-tradizzjonijiet kulturali u legali Ewropej; l-uniku objettiv tagħhom għandu jkun il-kumpens u għandhom jistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-partijiet, u b’hekk iwasslu għal sistema li tħares l-interessi tas-soċjetà kollha. Il-Kumitat jitlob li fl-UE jiġu evitati kemm il-ħlas ta’ kontinġenza (contingency fees) kif ukoll is-sistemi li jqajmu l-interess ekonomiku ta’ partijiet terzi.

4.3   Kummenti dwar il-provi;

4.3.1

Sabiex jassigura aċċess effettiv għall-provi, li huwa neċessarju biex ikun hemm protezzjoni legali effettiva, il-KESE jaqbel li madwar l-UE għandu jinżamm livell minimu ta’ divulgazzjoni inter partes għall-każi ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust. L-estensjoni tas-setgħa tal-imħallfin nazzjonali biex ikunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ provi rilevanti tista’ tgħin biex jintlaħaq dan l-għan, sakemm id-divulgazzjoni ssir fil-limiti diġà stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-QĠE u tkun rilevanti għall-azzjoni, neċessarja u proporzjonata.

4.3.2

Il-KESE jagħraf l-ostakli attwali li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi biex jagħtu l-provi tal-każ tagħhom u jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-aċċess għall-provi. Jenfasizza l-fatt li d-differenzi bejn is-sistemi proċedurali tal-Istati Membri m’għandhomx jintesew. L-obbligi ta’ divulgazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji preċiżi u għandhom ikunu proporzjonati għall-kawża.

4.3.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tissuġġetta l-obbligi ta’ divulgazzjoni għal salvagwardji preċiżi billi l-problema hija li tinżamm sistema li żżomm bilanċ bejn l-aċċess effettiv għall-provi u d-drittijiet għad-difiża. Il-Kumitat jinnota li s-sorveljanza stretta minn imħallef tista’ tkun ta’ għajnuna f’dan ir-rigward.

4.3.4

Kull meta jiġi nnutat ksur tal-Artikolu 81 jew 82 tat-Trattat fil-livell Komunitarju, il-vittmi tal-ksur jistgħu, b’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament 1/2003, jibbażaw ruħhom fuq din id-deċiżjoni bħala prova vinkolanti fil-proċedimenti ċivili. Fid-dawl tal-prinċipju tal-ekwivalenza tar-regoli proċedurali, il-KESE jemmen li għandu jkun hemm regola simili għad-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni li jistabbilixxu li l-Artikolu 81 jew 82 ma ġiex rispettat.

4.4   Kummenti dwar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-vittmi:

4.4.1

Rigward l-azzjonijiet kollettivi “parteċipattivi (opt-in) u mhux parteċipattivi (opt-out)”, il-KESE jirreferi għall-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn il-mekkaniżmi kif imfissra fl-opinjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2008 (9). F’din l-opinjoni l-KESE enfasizza b’mod partikolari li, għalkemm jippreżentaw ċerti vantaġġi, l-azzjonijiet kollettivi “parteċipattivi” huma għaljin u diffiċli biex wieħed jamministrahom, barra minn hekk iwasslu għal dewmien proċedurali u mhumiex adatti għal għadd kbir ta’ konsumaturi għaliex dawn m’għandhomx l-informazzjoni xierqa dwar l-eżistenza ta’ dawn il-proċeduri. Il-KESE jinnota li xi Stati Membri introduċew mudelli differenti ta’ kumpens ġudizzjarju li jinkludu kemm sistemi parteċipattivi kif ukoll mhux parteċipattivi.

4.4.2

Dawn il-kummenti jgħoddu wkoll għall-“azzjonijiet rappreżentattivi”. Billi fil-White Paper mhux qed issir referenza għall-vittmi identifikati biss, iżda wkoll għall-vittmi li jistgħu jiġu identifikati, ma jidhirx li qegħdin jiġu esklużi azzjonijiet f’isem grupp ta’ persuni mhux identifikati. Filwaqt li l-identifikazzjoni tal-vittmi tista’ tikkontribwixxi sabiex jitressqu t-talbiet, jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom l-estensjoni tal-każ għall-vittmi possibbli kollha tkun xierqa, pereżempju meta jintlaqtu għadd kbir ħafna ta’ vittmi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiċċara din il-proposta.

4.4.3

Il-KESE jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar ir-rwol importanti tal-imħallfin fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. L-imħallfin jistgħu jiġu megħjuna permezz ta’ taħriġ speċifiku sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw aħjar il-kriterji tal-ammissibbiltà u l-valutazzjoni tal-provi u l-aċċess għalihom, billi skont id-definizzjoni tagħhom l-azzjonijiet kollettivi huma bbażati fuq l-improbabbiltà li l-istess ilment jitressaq b’mod individwali. Għalhekk, l-imħallef għandu jkollu rwol attiv u importanti meta wieħed jiġi biex jidentifika u jaċċetta t-talbiet leġittimi fi stadju bikri.

4.4.4

L-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u tal-kummerċ kwalifikati huma l-kandidati naturali biex jirrappreżentaw lill-vittmi f’azzjonijiet rappreżentattivi. Il-White Paper tal-Kummissjoni tippermetti b’mod ċar li l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ awtorizzati jressqu azzjonijiet rappreżentattivi f’isem il-membri tagħhom. Billi organizzazzjonijiet rikonoxxuti oħrajn li jissodisfaw ċerti standards kapaċi jkollhom raġunijiet leġittimi biex jintroduċu azzjoni kollettiva wkoll, wieħed għandu janalizza bir-reqqa jekk dan jistax iwassal għal sitwazzjonijiet fejn jitressqu diversi talbiet għad-danni kkawżati mill-istess ksur tar-regoli. Għandu jiġi rakkomandat li l-vittmi jiġu rappreżentati flimkien minn entità rappreżentattiva waħda sabiex l-azzjoni tkun effettiva.

4.5   Kummenti dwar l-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet finali tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni:

4.5.1

Fil-prinċipju, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet finali f’kawżi ta’ danni b’segwitu għandhom jiġu valutati bħala preżunzjoni li ma tistax tiġi miċħuda tal-ksur. Jemmen li l-qrati nazzjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw ir-rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu mitlub u għandhom jibqgħu intitolati li jagħmlu dan b’mod esklużiv.

4.5.2

Il-KESE jinnota wkoll li l-valur tad-deċiżjonijiet finali tal-ANK jimplika li għandha tingħata l-attenzjoni xierqa għal-livell ta’ armonizzazzjoni tal-kontrolli u l-bilanċi, u tal-garanziji proċedurali fl-Istati Membri kollha.

4.6   Kummenti dwar il-kriterju tal-ħtija:

4.6.1

F’xi Stati Membri, ir-relazzjoni kawżali bejn il-ħtija u d-dannu hija element kostitwenti tar-responsabbiltà għad-dannu, u l-attur huwa mitlub juri kemm id-dritt għall-kumpens tiegħu kif ukoll il-ħtija tal-konvenut. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tqis dawn id-differenzi billi dawn huma ġejjin mill-iżvilupp storiku tas-sistemi legali nazzjonali. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni taċċerta ruħha li kwalunkwe sistema futura tiggarantixxi proċediment ġust li jinkludi kumpens malajr u effiċjenti għad-danni appoġġjati b’evidenza adegwata.

4.7   Kummenti dwar il-programm ta’ klemenza:

4.7.1

Il-programmi ta’ klemenza għandhom impatt qawwi immens fuq in-numru ta’ kartelli skoperti, u għandhom ukoll effett ta’ dissważjoni sostanzjali. Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb tagħhom huwa l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-vittmi. Ir-riskju li l-informazzjoni kunfidenzjali ssir pubblika jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-identifikazzjoni tal-kartelli u, minħabba f’hekk, fuq il-possibbiltà li l-vittmi jitolbu kumpens għad-danni. Għal din ir-raġuni, il-KESE jilqa’ l-proposti li l-għan tagħhom huwa li jħarsu l-effiċjenza tal-programmi ta’ klemenza. Madankollu, l-applikazzjonijiet ta’ klemenza m’għandhomx jipproteġu, aktar milli huwa meħtieġ, lill-parteċipanti tal-kartelli mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili relatati mal-imġiba illegali tagħhom a spejjeż tal-vittmi.

4.8   Kummenti dwar l-ispejjeż tal-azzjonijiet għad-danni:

4.8.1

Il-White Paper tippreżenta approċċi differenti sabiex jitnaqqas ir-riskju finanzjarju tal-kawża għal dawk li jressqu azzjoni għad-danni. Il-KESE jaqbel mal-fehma li d-dritt għall-kumpens m’għandux jixxekkel minn spejjeż mhux raġonevoli tal-azzjonijiet legali. Il-KESE esprima l-fehma tiegħu dwar l-ispejjeż ta’ dawn l-azzjonijiet fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (10).

4.8.2

Il-White Paper tistieden lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli nazzjonali dwar it-tqassim tal-ispejjeż u jagħtu l-possibbiltà lill-qrati nazzjonali li – f’ċirkustanzi eċċezzjonali – jagħmlu deroga għall-“prinċipju ta’ jħallas min jitlef”, li bħalissa huwa applikat fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toqgħod attenta ħafna kif tiggarantixxi kemm l-aċċess ġust għall-qrati kif ukoll il-validità tat-talbiet għal kumpens f’dan ir-rigward ukoll.

4.8.3

Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jirriflettu dwar ir-regoli tagħhom dwar l-ispejjeż legali, u li l-Kummissjoni għandha teżamina r-regoli kollha dwar dan li jeżistu fl-Unjoni Ewropea. It-tendenza għandha tkun li jiġu awtorizzati t-talbiet meritevoli fil-każi li fihom, b’mod ieħor, l-ispejjeż ixekklu t-tressiq ta’ azzjoni. Dan għandu jsir mingħajr ħsara għar-regoli proċedurali li jippromovu t-tip ta’ qbil li bis-saħħa tiegħu jitnaqqsu l-ispejjeż.

4.8.4

Il-KESE jfakkar li mhuwiex rakkomandabbli li tiddaħħal sistema ta’ ħlas ta’ kontinġenza (contingency fee system) li tmur kontra t-tradizzjoni legali Ewropea. Kif diġà sostna l-KESE f’opinjoni preċedenti (11), is-sistema mhix permessa fil-parti l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea – la mil-liġi u lanqas mill-kodiċi ta’ kondotta tal-avukati.

4.8.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jaħseb li n-notifika u l-ġbir ta’ dawk li huma maħsuba konvenuti jista’ jsir b’mod effiċjenti u bi spiża raġonevoli permezz tar-reġistru elettroniku pubbliku Ewropew tal-azzjonijiet li jista’ jiġi kkonsultat mill-vittmi madwar l-Ewropa kollha kemm hi.

Brussels, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 162, 25.6.2008, Franco Chiriaco, “Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2006, COM(2007) 358 finali”, punt 7.1.1, Brussell, it-13 ta’ Frar 2008.

(2)  Ara s-sentenzi “Courage y Crehan” (Każ C-453/99) u “Manfredi” (Każ C-295/4).

(3)  COM(2005) 672 finali, “Green Paper – Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust”, Brussell, 19 ta’ Diċembru 2005, p. 1-13 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 324, 30.12.2006, rapporteur: is-Sinjura Sánchez Miguel, opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Green Paper – Azzjonijiet għall-kumpens għal danni kkawżati mill-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-antitrust”, Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2006, p. 1-10 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, 25 ta’ April 2007.

(6)  COM(2008) 165 finali, “White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust”, Brussell, it-2 ta’ April 2008.

(7)  ĠU C 162, 25.6.2008, Jorge Pegado Liz, opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-definizzjoni tar-rwol u s-sistema tal-azzjonijiet kollettivi fil-qasam tal-liġi Komunitarja dwar il-konsum”, Brussell, l-14 ta’ Frar 2008, p. 1-21.

(8)  Ara n-nota nru 7.

(9)  Ara n-nota nru 7.

(10)  ĠU C 324, 30.10.2006, punt 5.4.5., rapporteur: is-Sinjura Sanchez Miguel.

(11)  Ara n-nota nru 7.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2007

COM(2008) 368 finali

2009/C 228/07

Nhar is-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2007

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur BARROS VALE.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’98 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1   Kull sena l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jevalwa r-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni u jieħu din l-opportunità biex jesprimi ruħu dwar firxa ta’ ideat u proposti li ntlaqgħu tajjeb mill-awtoritajiet. B’dan il-mod saru bidliet li l-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon, fir-rigward kemm tal-prijoritajiet u l-istrumenti li din il-politika għandu jkollha kif ukoll tar-riżorsi reali li ntużaw b’mod dejjem iktar effiċjenti, fatt li l-KESE jieħu pjaċir jinnota.

1.1.1   Għandu jissemma wkoll l-perijodu ta’ żmien li għadda bejn is-sena li qed tiġi analizzata (2007) u l-abbozzar ta’ din l-opinjoni. Konsegwentement, l-analiżi hija influwenzata mhux biss mill-perijodu ta’ żmien sa dik id-data, iżda wkoll miċ-ċirkostanzi straordinarji li qed iseħħu attwalment u li ma jistgħux jiġu injorati.

1.2   Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu esplorati oqsma ġodda fil-kamp tal-politika tal-kompetizzjoni, sabiex nimxu lil hinn mill-approċċ tradizzjonali, li huwa importanti iżda anke limitat. F’okkażjonijiet preċedenti l-Kumitat ippropona li l-Kummissjoni taqbel biex tiżviluppa sferi ta’ attivitajiet ġodda u f’dawn iż-żminijiet kumplessi u diffiċli l-ħtieġa għal dan huwa ikbar, meta wieħed iqis il-qagħda tal-ekonomija, u b’mod speċjali fid-dawl tal-lezzjonijiet li kull min huwa kkonċernat għandu jislet, b’mod imperattiv, mill-iżbalji u fuq kollox, minn nuqqasijiet li kien hemm u li wasslu għas sitwazzjoni attwali.

1.3   Kwistjonijiet ta’ regolamentazzjoni/superviżjoni inadegwata (u xi kultant anke laxka) f’setturi ta’ importanza strateġika mhux biss joħolqu żbilanċji u riskji sistematiċi mhux aċċettabbli; iżda jaffettwaw ukoll il-kompetizzjoni f’saħħitha, jipproteġu dawk li għandhom intenzjonijiet ħżiena u jagħmlu ħsara kbira lis-soċjetà kollha kemm hi. Il-politika tal-kompetizzjoni ser ikollha tindirizza dawn il-kwistjonijiet sabiex tiżgura li ma terġax tinħoloq sitwazzjoni fejn il-maġġoranza tan-negozji u tal-individwi jkollhom iħallsu spejjeż kbar, bażikament minħabba n-“nuqqas ta’ kompetizzjoni” kkawżata minn dawk li l-ambizzjoni tagħha ma kinitx mxekkla minn sistemi ta’ ħarsien tas-suq inadegwati, speċjalment fis-swieq finanzjarji, li joħolqu l-kundizzjonijiet għas-swieq l-oħra.

1.4   Fuq livell ieħor, u kif diġà talab il-KESE f’okkażjoni preċedenti, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-għażliet sabiex tkun żgurata koordinazzjoni aħjar (u l-ħolqien ta’ strumenti xierqa) mal-politiki l-oħra tal-UE biex b’hekk tiġi evitata l-kompetizzjoni mhux ġusta fil-livell domestiku minħabba d-daqs tan-negozji, il-post fejn qegħdin u l-ambjent fiskali. Fil-livell estern l-UE trid tagħti garanzija li l-pajjiżi terzi ma jgawdux b’mod artifiċjali mill-ksur tar-regolamenti internazzjonali tal-kummerċ, il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u tat-trade unions tagħhom, inkluż ix-xogħol fost it-tfal u kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa, jew ir-regoli bażiċi tal-ħarsien ambjentali. L-Unjoni Ewropea għandha tinforza b’mod vigoruż ir-regoli tad-WTO kontra s-sussidji fuq l-esportazzjoni u politiki oħra tal-gvern li jostakolaw il-kompetizzjoni u ma jippermettux l-aċċess għas-suq għal kumpaniji tal-UE.

1.5   Ir-rapport tal-2007 jindirizza żewġ strumenti tal-politika tal-kompetizzjoni li mhumiex inklużi fir-rapport tal-2006 (“Miżuri tal-Istat” u “Il-politika ta’ kompetizzjoni fil-qafas iktar wiesa’ tal-politika”), u fid-dawl tal-fatt li l-għan huwa li jittejjeb dan il-qasam fil-qofol tal-politika Komunitarja, dan huwa wieħed mill-aspetti l-iktar pożittivi tax-xogħol tal-Kummissjoni.

1.6   Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ir-rapport jinnota x-xogħol konsiderevoli tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, u juri l-importanza ta’ din il-kwistjoni fl-2007.

1.7   Fir-rigward tar-“rwol tal-politika ta’ kompetizzjoni fil-qafas iktar wiesa’ tal-politika”, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni, iżda jikkunsidra li dan l-aspett għandu jiġi elaborat iktar sabiex jiġu kkjarifikati l-modi u l-mezzi kif tista’ tiddaħħal iktar fl-Istrateġija ta’ Liżbona l-politika tal-kompetizzjoni. F’termini tas-swieq settorjali li huma koperti, hija meħtieġa iktar kjarifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu, l-istrumenti li għandhom jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

1.8   Minkejja l-importanza attwali tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, ir-rapport jidher li jipprovdi ftit tagħrif dwar il-kwistjoni. Bħal fil-qasam “antitrust”, fejn isiru ħafna referenzi ddettaljat għall-prattiki koperti, it-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni għandu jindirizza b’iktar reqqa l-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

1.9   Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, ir-rapport jindirizza l-kwistjoni tal-karti ta’ pagament, u jgħid li din hija industrija kkonċentrata ħafna fejn jeżistu problemi marbuta mal-kompetizzjoni, iżda xorta jonqos milli jressaq miżuri li jagħmlu tajjeb għal dawn il-kwistjonijiet. Ma ssir l-ebda referenza għas-superviżjoni bankarja u l-monitoraġġ tar-regoli prudenzjali mill-korpi kompetenti, kwistjoni li hija ta’ importanza kbira u li tista’ twassal għal prattiki mhux kompetittivi li jħallu impatt konsiderevoli fuq l-atturi differenti fis-suq. Il-KESE jixtieq jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar dan l-aspett, b’mod partikulari fir-rigward ta’ assi Statali f’istituzzjonijiet finanzjarji li f’ħafna każi s-sitwazzjoni tagħhom ma kenitx ċara.

1.10   Il-KESE kien jippreferi wkoll li kieku r-rapport ippreżentat kull sena mill-Kummissjoni ma jelenkax biss il-kisbiet (ta’ sikwit sempliċiment katalogu tal-progress li sar u l-battalji li ntrebħu) iżda jkun ukoll dokument li joħloq kontrobilanċ aktar ċar bejn il-passi pożittivi li saru (li l-Kumitat jilqa’) u l-problemi u l-ostakoli identifikati, kif ukoll proposti sabiex dawn jitranġaw u jsir progress lejn standards ġodda għall-politika tal-kompetizzjoni.

2.   Il-kontenut tar-rapport 2007

2.1

Fir-rigward tal-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni, ir-rapport jistipula għal kull strument, kif jagħmel kull sena, il-viżjoni li ggwidat ix-xogħol tal-Kummissjoni fis-sena li qiegħda taħt il-lenti:

Fir-rigward ta’ miżuri “antitrust”, ġew promossi passi aktar effettivi biex jiġu miġġieleda dawn il-prattiki, bl-introduzzjoni ta’ inċentivi għal dawk ikkonċernati biex jirrappurtaw kull każ li jafu bih. Bħala tweġiba għat-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tfassal White Paper bi proposti ddettaljati sabiex ikunu żgurati talbiet għal rimunerazzjoni aktar effettiva għal ħsara li tiġġarrab minħabba prattiki antitrust, il-Kummissjoni kellha numru ta’ konsultazzjonijiet ma’ gvernijiet, imħallfin u rappreżentanti tas-setturi differenti affettwati minn dawn il-kwistjonijiet.

Għandha tingħata prijorità wkoll “lir-rintraċċar, lill-investigazzjoni u lill-penalizzazzjoni ta’ kartelli” b’total ta’ 41 kumpanija (l-istess ammont bħall-2006) tiġi mmultata total ta’ EUR 3 334 miljun (meta mqabbel ma’ EUR 1 846 miljun fis-sena ta’ qabel).

Fil-qasam ta’ “miżuri tal-Istat” il-Kummissjoni għalqet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Ċeka talli llimitat is-setgħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni biex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ġiet adottata wkoll deċiżjoni bbażata fuq ir-Regolament tal-KE dwar l-Amalgamazzjonijiet, fejn ġie ddikjarat li l-awtorità Spanjola li tirregola s-settur kienet kissret dan ir-regolament.

Fir-rigward tal-“kontroll tal-amalgamazzjonijiet” ġie adottat Avviż Ġuriżdizzjonali dwar kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni, kif ukoll linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali u tnediet konsultazzjoni pubblika dwar rimedji f’dan il-qasam.

Il-“Kontroll tal-għajnuna mill-Istat” kien ukoll sors ta’ tħassib għall-Kummissjoni, u ġie adottat metodu ġdid għall-istabbiliment ta’ rati ta’ referenza, u tnediet konsultazzjoni dwar Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija kif ukoll il-proċedura għar-reviżjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji.

Fir-rigward tar-“rwol tal-politika ta’ kompetizzjoni fil-qafas iktar wiesa’ tal-politika”, l-Istrateġija ta’ Liżbona ġiet riveduta u saret proposta sabiex il-kompetizzjoni tiddaħħal iktar bil-għan li jitjieb il-“monitoragg settorjali tas-suq”.

2.2

Fil-livell settorjali, ir-rapport 2007 jkopri l-miżuri l-iktar importanti li ttieħdu fl-oqsma ewlenin tal-ekonomija bħal:

l-enerġija, fejn tressqet proposta għat-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni għas-swieq tal-elettriku u tal-gass. Fil-qasam tal-antitrust, l-isforzi kienu kkonċentrati fuq l-esklużjoni u l-kollużjoni (it-tqassim tas-suq).

is-servizzi finanzjarji, fejn l-aħħar rapporti ġew ippubblikati dwar investigazzjonijiet speċifiċi għas-settur fis-swieq Ewropej bankarji bl-imnut u fis-swieq tal-assigurazzjoni kummerċjali.

il-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn il-qafas regolatorju attwali għen biex is-swieq tal-komunikazzjonijiet ikunu iktar kompetittivi. Tressqet rakkomandazzjoni li jitnaqqas in-numru ta’ swieq miftuħa għal regolamentazzjoni ex ante, ġiet proposta regolamentazzjoni dwar ir-roaming u ġew adottati bosta deċiżjonijiet dwar skemi ta’ finanzjament pubbliku għall-aċċess tal-broadband.

it-teknoloġija tal-informatika, fejn komplew il-proċeduri li nbdew kontra l-Microsoft, l-AMD u Rambus.

il-mezzi tax-xandir, fejn il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-bidla minn xandir analogu għal xandir diġitali u tagħti prijorità għolja lill-iżgurar li jkun disponibbli kontenut primjum taħt kundizzjonijiet miftuħa u trasparenti.

l-industrija tal-karozzi, fejn ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur isaħħaħ il-kompetizzjoni bejn il-marki.

it-trasport, fejn l-għan kien li l-politika tal-kompetizzjoni tiżgura l-funzjonament effiċjenti tas-swieq li ġew illiberalizzati riċentement.

is-servizz postali, fejn il-Kummissjoni nnegozjat il-proposta tagħha biex is-swieq tas-servizzi postali tal-UE jinfetħu għal kollox għall-kompetizzjoni.

2.3

Jidher li hemm bosta inkonsistenzi jew nuqqas ta’ ċarezza f’ċerti sferi ta’ attività, bħall-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn huwa diffiċli li wieħed jifhem il-bżonn u l-għanijiet tal-pakkett regolatorju ġdid imsemmi fil-punt 48 (dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), peress li jista’ jagħti l-każ li ma jkunx kompatibbli mal-punt 44 li jirriferi għall-kontribut attwali tal-pakkett għaż-żieda fil-kompetizzjoni.

2.4

Fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika xejn ma jingħad dwar l-għanijiet jew il-miżuri li għandhom jiġu adottati. Issir referenza għal każijiet miftuħa fis-snin preċedenti biss, u ma jissemmiex it-twaqqif ta’ regoli u politiki jew il-miżuri li l-Kummissjoni beħsiebha timplimenta.

2.5

Hawn ukoll, jeħtieġ li tissemma s-sitwazzjoni ġdida li nħolqot mill-Internet. Fl-Internet hemm konċentrazzjoni kbira ta’ attività kummerċjali iżda hija suġġetta għal regoli li għadhom fi stat embrijoniku, biex b’hekk hemm potenzjal kbira għal prattiki mhux kompetittivi, mingħajr ix-xkiel ta’ ħarsien reali tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-kummerċ fuq l-Internet irid jiġi regolat b’mod urġenti.

2.6

Fis-settur tat-trasport ta’ min wieħed jenfasizza r-referenza ddettaljata u mixtieqa għall-miżuri meħuda fis-setturi differenti tat-trasport: fit-triq, ferrovjarju (kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri), marittimu u tal-avjazzjoni.

2.7

Fir-rigward tas-servizzi postali, hemm nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-proċess tan-negozjar dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-ftuħ tas-servizzi postali tal-UE għal kollox għall-kompetizzjoni.

2.8

Id-deskrizzjoni tar-rapport dwar il-makkinarju tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni hija ċara u ddettaljata, kif inhu r-rendikont tiegħu dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (ECN). Ta’ min ninnotaw il-punt dwar it-titjib li qed jiġi osservat fil-kooperazzjoni bejn il-membri tal-ECN. Għandhom jintlaqgħu tajjeb ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni matul is-sena li qed tiġi analizzata sabiex tkun involuta f’attivitajiet internazzjonali u kooperazzjoni interistituzzjonali.

2.9

Bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir, komplew l-isforzi favur il-promozzjoni tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi kandidati u beda x-xogħol biex dawk il-pajjiżi jkollhom jagħtu evidenza kredibbli fejn juru li dawn ir-regoli ġew adottati.

3.   Ġenerazzjoni ġdida ta’ regoli tal-kompetizzjoni u l-identifikar tal-problemi li jeħtieġ li jiġu indirizzati fis-sitwazzjoni ekonomika attwali

3.1   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jieħu din l-opportunità biex jagħżel approċċ ġdid li m’għadux limitat, fejn tidħol il-politika tal-kompetizzjoni, għall-evalwazzjoni u l-kummentar dwar l-oqsma magħżula mill-Kummissjoni għal inklużjoni fir-rapport annwali tagħha. Il-KESE jrid jagħmel iktar u jipproponi oqsma oħrajn li għandhom jiġu koperti minn ġenerazzjoni futura ta’ politiki tal-kompetizzjoni.

Konsegwentement:

3.1.1   L-ewwel nett, fid-dinja turbulenti tal-lum, kif taw xhieda l-iżviluppi fil-globalizzazzjoni ekonomika u l-lezzjonijiet reċenti li ksibna mill-mod kif dan il-proċess qed jitħaffef, ġenerazzjoni ġdida ta’ politiki tal-kompetizzjoni trid tkun marbuta mill-qrib ħafna mal-kunċetti u l-prijoritajiet ġodda ta’ Politika Komuni Ewropea tal-Kummerċ.

3.1.1.1   Din il-Politika Komuni Ewropea tal-Kummerċ Estern għandha tiggarantixxi li l-pajjiżi terzi ma jibbenefikawx b’mod artifiċjali mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, b’riżultat tal-ksur ta’ regoli internazzjonali dwar il-kummerċ u l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO dwar id-drittijiet tat-trade unions inklużi ix-xogħol fost it-tfal u kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa, jew regoli bażiċi tal-ħarsien dwar il-libertà tal-istabbiliment u tal-assoċjazzjoni kummerċjali, li jistgħu jwasslu għal dumping soċjali jew ambjentali. L-Unjoni Ewropea għandha tinforza b’mod vigoruż ir-regoli tad-WTO kontra s-sussidji fuq esportazzjoni mill-gvern, u politiki oħra tal-gvern li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni u ma jippermettux l-aċċess għas-suq għal kumpaniji tal-UE.

3.1.1.2   L-Ewropa għandha tkompli taħdem għal kundizzjonijiet indaqs fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u ssaħħaħ l-awtorità tad-WTO biex tieħu azzjoni kontra s-sussidji tal-gvern u kontra d-dumping soċjali u ambjentali li jmur kontra l-ftehimiet internazzjonali. Is-soċjetà ċivili organizzata Ewropea titlob ukoll li l-Kummissjoni Ewropea tinforza dejjem il-politika tal-kummerċ u d-drittijiet tal-kumpaniji individwali u tal-impjegati, li huma pprovduti mill-ftehimiet internazzjonali fil-qafas tad-WTO, l-ILO, eċċ.. Id-drittijiet ta’ kumpaniji u impjegati individwali, b’mod partikolari, m’għandhomx jiġu injorati jew infurzati parzjalment minħabba kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika barranija jew minħabba l-interessi speċjali ta’ kumpaniji individwali jew ta’ xi Stat Membru partikulari.

3.1.1.3   Mhuwiex raġjonevoli u lanqas ġustifikabbli li l-Ewropa għandha tagħmel ħilitha biex timponi regoli li l-atturi ekonomiċi tagħha jridu jirrispettaw sabiex jiżguraw bilanċ fil-kompetizzjoni u fis-suq waqt li ta’ sikwit ma tagħtix kas il-kompetizzjoni mhux ġusta importata ta’ kuljum minn partijiet oħra tad-dinja. Huwa biss permezz ta’ rabta ġenwina bejn il-politika tal-kompetizzjoni u politika esterna komuni ġusta tal-kummerċ, flimkien mat-teħid ta’ pożizzjoni ċara u kuraġġuża fid-WTO, li jista’ jerġa’ jkun hemm bilanċ.

3.1.2   It-tieni nett, hemm bżonn li jiġi indirizzat ċertu tip ta’ żbilanċ intern fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni li jippromovi distorsjonijiet, billi jiġu evalwati l-konsegwenzi tal-karatteristiċi differenti tal-atturi u jitwaqqfu regoli li jqisu l-fatt li intrapriżi żgħar u mikro huma fl-essenza tagħhom dipendenti fuq il-kapaċità tagħhom biex jikkompetu ma’ kumpaniji kbar. B’mod simili, kumpaniji f’żoni iktar remoti wkoll għandhom żvantaġġi meta mqabbla ma’ negozji qrib iċ-ċentri ewlenin tal-konsum. Għaldaqstant, fil-ġejjieni, politiki ekonomiċi, soċjali u territorjali Ewropej għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-politika tal-kompetizzjoni, li trid tkun dejjem iżjed konxja tal-varjetà ta’ fatturi li jinfluwenzaw is-swieq.

3.2   L-isfond ekonomiku wara l-evalwazzjoni tal-ħidma tal-Kummissjoni fl-2007 jitlob li l-KESE jqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet prattiċi. Minħabba n-natura topika u l-importanza kbira tagħhom dawn il-kwistjonijiet jitolbu l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fl-Ewropa, peress li joħorġu fid-deher l-inadegwatezza tal-istrumenti attwali biex jindirizzaw fenomeni li qed isibu quddiem wiċċhom kemm in-negozji kif ukoll il-pubbliku ġenerali.

3.2.1   Minkejja l-għanijiet li tiġi protetta l-ekonomija kollha kemm hi u li tiġi evitata sitwazzjoni fejn xi negozji u/jew setturi jibbenefikaw fuq oħrajn, u tajbin kemm huma tajbin dawn l-objettivi, jistgħu l-Istati Membri jitħallew jintervjenu, billi jgħinu ċerti atturi ekonomiċi (u b’mod indirett il-partijiet interessati, l-impjegati, il-kredituri u l-fornituri tagħhom) fuq oħrajn, f’xenarji fejn dawk li ma jikkonformawx jibbenefikaw u dawk li jikkonformaw ibatu? X’jistgħu jkunu l-effetti tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata minn mewġa ġdida ta’ trattament mhux ġust tal-atturi ekonomiċi?

3.2.2   Waqt li jtenni l-ħtieġa urġenti għal politika tal-kompetizzjoni b’saħħitha u koeżiva sabiex tiggwida l-azzjoni globali tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jifhem u jaqbel li f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal dik attwali, jistgħu jiġu introdotti miżuri eċċezzjonali, anke jekk ikunu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu l-Kummissjoni għandha ssewgi dawn id-distorsjonijiet intenzjonati u awtorizzati mill-qrib u tikkoreġihom malli s-sitwazzjoni ekonomika terġa’ għan-normal.

3.2.3   Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi kwalunkwe settur, jista’ jkun li jekk il-gvernijiet jitħallew joffru inċentivi fiskali u/jew finanzjarji li jkunu aċċessibbli b’mod trasparenti minn kulħadd (sakemm jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi) dan ikun l-aħjar mezz biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku mingħajr ma tinħoloq diskriminazzjoni mhux ġustifikata

3.2.4   Liema passi ttieħdu mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fil-livelli differenti sabiex jiżguraw li s-sistema ħadmet tajjeb matul il-kriżi reċenti fil-prezzijiet, kemm tal-karburanti għall-konsumaturi kif ukoll tal-prodotti bażiċi tal-ikel? F’dan il-każ, ir-reperkussjonijiet tal-ispejjeż ogħla għal materja prima fuq il-prezz aħħari kienu immedjati u diretti, waqt li meta l-prezzijiet niżlu ma kienx hemm l-istess effett, bir-riżultat li nħolqot l-impressjoni li l-atturi prinċipali kienu qed jaħdmu flimkien biex jiffissaw il-prezzijiet.

3.2.5   Għaldaqstant, wasal il-waqt li l-Kummissjoni tadotta approċċ inqas strinġenti u iktar wiesa’ lejn il-politika tal-kompetizzjoni. B’hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsidra l-kwistjoni u tħeġġeġ biex tippreżenta ambizzjonijiet ġodda għal dan il-qasam, li huwa ta’ importanza enormi għall-integrazzjoni Ewropea.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar id-drittijiet tal-awtur fl-ekonomija tal-għarfien

COM(2008) 466 finali

2009/C 228/08

Nhar is-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar id-drittijiet tal-awtur fl-ekonomija tal-għarfien

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur RETUREAU.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’173 vot favur, 6 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

L-għan tal-Green Paper hu li tħeġġeġ dibattitu dwar kif l-għarfien fl-oqsma tar-riċerka, ix-xjenza u l-edukazzjoni jista’ jitferrex fuq l-internet bl-aħjar mod u li ssib risposti għal ċerti problemi marbuta mar-rwol tad-drittijiet tal-awtur fl-ekonomija tal-għarfien.

1.2

Bi “drittijiet tal-awtur” nifhmu d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati oħra, kunċett li ġej mid-definizzjoni klassika ta’ “proprjetà letterarja u artistika” (1). Id-drittijiet tal-awtur huma mħarsa minn numru ta’ organizzazzjonijiet u strumenti internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Berna, u huma amministrati mill-WIPO (2) u l-ftehim TRIPS dwar il-proprjetà intellettwali relatata mal-kummerċ fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

1.3

Din il-Green Paper hija maqsuma f’żewġ partijiet u tittratta l-kwistjoni tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. It-tieni parti tittratta l-kwistjonijiet marbuta mal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li huma l-aktar rilevanti għat-tixrid tal-għarfien u jekk dawn l-eċċezzjonijiet għandhomx jiġu adattati għall-era diġitali.

1.4

Il-ftehim TRIPS jipprovdi għal interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur.

1.5

Fir-reviżjoni tas-Suq Uniku tagħha (3), il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-moviment liberu tal-għarfien u l-innovazzjoni. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ u jemmen li huwa indispensabbli għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

1.6

Jeżistu disa’ direttivi dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (4). L-awturi ta’ applikazzjonijiet tas-software huma ttrattati bħall-awturi ta’ xogħlijiet lettararji u artistiċi, madanakollu kemm fil-liġi, kif ukoll fil-prattika, dawn id-drittijiet huma iktar limitati “mid-drittijiet tradizzjonali tal-awtur”.

2.   Kwistjonijiet ġenerali

2.1

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-għan tad-Direttiva dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni huwa li tiżgura l-ogħla livell ta’ ħarsien għall-awturi. Hija għandha tkompli tapplika fl-era diġitali kkaratterizzata mid-diġitalizzazzjoni u t-trażmissjoni immedjata ta’ xogħlijiet lettararji u artistiċi, pubblikazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi u xogħlijiet stabbiliti permezz tas-software. Madanakollu l-benefiċjarji ta’ dawn id-drittijiet jibqgħu jsostnu li jagħmlu biss qligħ żgħir mit-tqegħid tax-xogħlijiet tagħhom għall-użu fuq l-internet.

2.2

Fil-preżent, il-lista Komunitarja tal-eċċezzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur tinkludi eċċezzjoni obbligatorja u għoxrin eċċezzjoni fakultattiva; l-Istati Membri għalhekk huma ħielsa li jagħżlu jekk jimplimentawx l-eċċezzjonijiet li mhumiex obbligatorji jew le. Il-Kumitat jemmen li dan ixekkel l-armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet fakultattivi li jistgħu jkunu ġġustifikati f’ekonomija tal-għarfien li tuża mezzi teknoloġiċi li dejjem qed jiżviluppaw fl-era diġitali. Madanakollu, minħabba li din il-lista hija eżawrjenti, ma tippermettix li Stati Membri oħra jżidu eċċezzjonijiet oħra. Minbarra dan, permezz “tal-kundizzjoni trippla” li fasslu l-WTO u l-WIPO, ir-restrizzjonijiet huma soġġetti għal tliet kundizzjonijiet: dawn ma japplikawx ħlief f’ċertu każijiet partikolari (pereżempju utenti neqsin mid-dawl), m’għandhomx imorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol u m’għandhomx jippreġudikaw l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet b’mod inġust.

2.3

Il-Kumitat iqis li dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għal forma ta’ armonizzazzjoni, madanakollu, is-sistema ta’ lista eżawrjenti fakultattiva u li, fejn ikun hemm bżonn, tippermetti restrizzjonijiet fuq l-ambitu tal-eċċezzjonijiet, twassal għal problemi ħafna aktar speċifiċi ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ fil-każ tat-tixrid online tax-xogħlijiet (b’mod partikolari bis-satellita).

2.4

Il-lista tirrikjedi approċċ aktar kategoriku li jirrifletti l-għanijiet tas-soċjetà tal-għarfien u tal-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, minħabba li l-għan tal-armonizzazzjoni għadu ma ntlaħaqx u għad hemm wisq eċċezzjonijiet.

2.5

L-interessi ekonomiċi prinċipali involuti huma relatati mad-divertiment, ma’ ċertu forom ta’ kultura popolari jew logħob aktar milli mal-għarfien fil-veru sens tal-kelma; madanakollu ma jaqbilx li jkun hemm taqsim strett tal-kategoriji differenti ta’ kontenut, għajr ovvjament għal kontenut pornografiku jew li jista’ jkun ta’ ħsara għal pubbliku mhux adult.

2.6

Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom japplikaw għad-diżabilitajiet kollha li jillimitaw l-aċċess sħiħ għall-internet u l-kontenut multimedjali fuq l-internet, għat-tagħlim ta’ kull livell inkluż it-tagħlim tul il-ħajja u l-universitajiet tat-tielet età, għal-libreriji u l-libreriji multimedjali pubbliċi u universitarji, għan-nies li jkollhom iqattgħu żmien twil l-isptar jew il-ħabsin li għaddejjin minn xi programm ta’ riabilitazzjoni u għar-riċerkaturi tas-settur pubbliku u privat, permezz ta’ arranġamenti speċifiċi ma’ libreriji u ċentri ta’ dokumentazzjoni speċjalizzati. Il-benefiċjarji tal-eċċezzjonijiet għandu jkollhom il-possibbiltà ta’ rimedju f’każ fejn l-aċċess huwa impossibbli jew diffiċli ħafna, madanakollu, kwalunkwe estensjoni fuq il-lista tal-eċċezzjonijiet trid tkun akkumpanjata minn modi ġodda ta’ kumpens minimu għall-anqas għad-detenturi oriġinali (5) tad-drittijiet kif inhu l-każ tar-remunerazzjoni għall-kopja privata.

2.7

Dan il-kumpens għandu jinġabar mill-korpi awtorizzati tal-ġbir li huma inkarigati mill-ġbir u d-distribuzzjoni tar-remunerazzjoni għal ħlas ibbażat fuq il-kriterji tad-distribuzzjoni li jistgħu jiġu mmodifikati skont it-tipi ta’ eċċezzjonijiet obbligatorji stabbiliti.

2.8

Għandhom jitnedew konsultazzjoni u negozjati bejn ir-rappreżentanti tad-diversi partijiet interessati involuti fil-produzzjoni u l-użu tax-xogħlijiet; madanakollu l-Kumitat huwa tal-fehma li jekk fl-ewwel stadju l-Kummissjoni tkun tista’ tfassal linji gwida, ikun tajjeb li mbagħad tistabbilixxi “liċenzji standard” minimi komunitarji, li jkunu jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali permezz ta’ negozjati bejn il-partijiet ikkonċernati.

2.9

Skont il-Kumitat, ir-rwol intermedjarju tal-libreriji pubbliċi u universitarji, taċ-ċentri ta’ dokumentazzjoni u riċerka, kif ukoll il-kontroll li jsir mill-korpi tal-ġbir jiżgura li jiġu rrispettati il-kriterji stabbiliti fil-Ftehim TRIPS, li huma forsi wisq stretti jew interpretati b’mod wisq restrittiv u li ma jindirizzawx il-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-għarfien u ż-żieda kbira fl-użu tal-internet fl-oqsma kollha l-iktar f’dawk tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn xjenzati u riċerkaturi.

2.10

Numru ta’ xogħlijiet edukattivi, xjentifiċi jew tekniċi diġà jistgħu jinstabu fuq l-internet b’liċenzji “light”, bħall-GPL (6) jew il-“creative commons” għal xogħlijiet lettararji u artistiċi. Dawn il-liċenzji u l-produzzjoni ta’ kontenut siewi għas-soċjetà tal-għarfien (7) għandhom jiġu mħeġġa permezz ta’ sejħiet għall-offerti jew b’appoġġ għall-istituzzjonijiet li jipproduċu kontenut xjentifiku u tekniku u software billi japplikaw din it-tip ta’ liċenzja (8).

3.   Eċċezzjonijiet: problemi speċifiċi

3.1

Il-Green Paper tagħti importanza partikolari lill-eċċezzjonijiet fuq id-dritt tal-awtur li l-aktar jistgħu jippromwovu t-tixrid tal-għarfien, bħall-eċċezzjoni għal-libreriji jew arkivji, l-eċċezzjoni li tawtorizza t-tixrid ta’ xogħlijiet għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka, l-eċċezzjoni għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità u possibbilment għall-kontenut li joħolqu l-utenti.

3.2

Id-diġitalizzazzjoni tal-kotba f’libreriji u arkivji bil-għan li jiġu ppresevati d-dokumenti oriġinali u xi drabi uniċi, u t-tqegħid tagħhom online għall-utenti qed jiżdiedu sew, kif tixhed l-inizjattiva tal-librerija diġitali Komunitarja msejħa Europeana.

3.3

Il-livelli ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożiżżjoni tax-xogħlijiet ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, hekk kif ivarjaw ukoll il-kundizzjonijiet relatati, li fil-fehma tal-Kumitat xi kultant huma restrittivi wisq. Id-Direttiva ma tistipula l-ebda eċċezzjoni fuq id-dritt tar-riproduzzjoni għajr f’każ ta’ konsultazzjoni interna għal għanijiet speċifiċi ta’ riċerka u ta’ konservazzjoni limitata tax-xogħol għal skopijiet li mhumiex kummerċjali. Id-dispożizzjoni tal-kundizzjoni trippla hija stretta iżda tista’ ssir aktar flessibbli speċjalment jekk jiġi stabbilit kumpens għall-benefiċċju tal-awturi fil-forma ta’ somma globali.

3.4

Għandu jkun hemm eċċezzjoni speċjali għal xogħlijiet fraġli jew rari u l-listi ta’ xogħlijiet li jiġu mħeġġa jużaw it-tfal tal-iskejjel primarji u sekondarji, l-istudenti u li jintużaw għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja. Dawn jistgħu jitqiesu bħala sorsi ta’ interess partikolari nazzjonali. Għandu jkun possibbli li l-format tal-IT jiġi limitat għall-formats li huma koperti minn standard internazzjonali rikonoxxut mill-ISO u li jkunu kompatibbli mal-maġġoranza tal-formats miftuħa (open formats) u proprjetarji (proprietary formats) li jeżistu (9).

3.5

In-numru ta’ kopji jrid jiġi stabbilit skont in-numru magħruf ta’ utenti awtorizzati u skont il-ħtiġijiet relatati mal-konservazzjoni (10).

3.6

Il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà online tinvolvi numru ta’ problemi partikolari li jeħtieġu aktar garanziji ta’ nondisseminazzjoni min-naħa tal-utenti aħħarin. Uħud minnhom jistgħu jħallsu għal-liċenzja u għas-servizz (11).

3.7

Jeħtieġ li titqies il-possibbiltà ta’ emenda għad-Direttiva li tippermetti s-self ta’ xogħlijiet online għal skopijiet ta’ riċerka u edukazzjoni taħt kundizzjonijiet legali u tekniki ċari. Il-proċedura u l-obbligu li l-kundizzjonijiet tal-liċenzja speċjali u tas-self online jinftiehmu tajjeb, għandhom jedukaw lill-poplu, b’mod partikolari ż-żgħażagħ dwar kemm huwa importanti li nirrispettaw id-drittijiet tal-awtur. Il-Kumitat dejjem ippropona li għandu jinħoloq sens ta’ rispett għall-proprjetà intellettwali għax jagħmel parti fundamentali mill-etika tal-ekonomija tal-għarfien.

4.   Xogħlijiet orfni

4.1

Ix-xogħlijiet orfni huma sors importanti tal-kreattività.

4.2

Il-Kumitat iqis li l-Green Paper tqajjem numru ta’ kwistjonijiet rilevanti u tipproponi soluzzjonijiet pożittivi u konkreti. Wara li tkun saret riċerka tajba, jistgħu jibdew jiġu ppubblikati listi ta’ xogħlijiet orfni regolarment. Jekk wara perjodu stabbilit ta’ żmien id-detentur tad-drittijiet ma jinstabx, ix-xogħol ma jsirx parti mid-dominju pubbliku iżda jkun kopert minn sistema ta’ protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-awtur, f’każ li fil-futur jinstab detentur leġittimu tad-drittijiet. L-għażla tas-sistema ta’ liċenzji użata tista’ timxi fuq il-mudell Daniż u Ungeriż, iżda l-Kumitat jemmen li huwa possibbli u jkun aħjar li titfassal liċenzja standard Ewropea.

4.3

Il-Kumitat jidhirlu li m’hemmx bżonn direttiva speċifika dwar ix-xogħlijiet orfni. Il-ġestjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet ma tinvolvix eċċezzjonijiet ġodda għad-drittijiet tal-awtur iżda ġestjoni speċifika tal-liċenzji fil-qafas tas-sistema ġuridika tad-drittijiet tal-awtur. Il-Kumitat huwa tal-fehma li direttiva ġdida jew inkella l-ħolqien ta’ kapitlu ġdid fid-Direttiva attwali ma jkunux strument xieraq.

4.4

Il-Kummissjoni tkun tista’ tippubblika u taġġorna regolarment il-lista tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tax-xogħlijiet orfni. Din il-lista tista’ tkun soġġetta għal reviżjoni wara perjodu ta’ sperimentazzjoni ta’ ħames jew għaxar snin, sabiex fiha jkunu jistgħu jiġu inklużi r-rapport ippublikat u l-istatistiki.

5.   L-eċċezzjoni għall-persuni b’diżabilità

5.1

Il-Kumitat jixtieq approċċ inqas restrittiv mill-approċċ attwali ta’ bosta pajjiżi tal-Ewropa fir-rigward id-diżabilità u d-diffikultajiet li ġġib magħha sabiex jiġi aċċessat ix-xogħol. Minbarra d-diffikultajiet li jesperjenzaw il-persuni b’diżabilità sabiex jaċċessaw ix-xogħlijiet, ħafna drabi lanqas ma jkollhom dħul finanzjarju kbir. Dan ostakolu ekonomiku u soċjalment inaċċettabbli li jolqot l-aċċess għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura.

5.2

L-involviment ta’ assoċjazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità għandu jgħin il-proċess ta’ riformulazzjoni tal-eċċezzjonijiet għal persuni b’diżabilitajiet differenti. L-assoċjazzjonijiet jistgħu ikunu involuti wkoll fil-ġestjoni ta’ terminali speċjali tal-kompjuters, u fejn hemm bżonn jipprovdu persunal imħarreġ biex jgħin lill-persuni b’diżabilità. Dawn l-għajnuniet jistgħu jiġu ffinanzjati mid-donazzjonijiet u l-għajnuna li jagħtihom il-gvern. L-assoċjazzjonijiet jistgħu, bħal-libreriji u l-mużewijiet akkreditati jew bil-kooperazzjoni tagħhom, jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tal-użu tax-xogħol mal-aġenti tal-awturi li jiżguraw garanziji kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Il-KESE jemmen li l-eċċezzjoni għandha tiġi estiża sabiex tinkludi l-bażijiet ta’ data għax inkella jista’ jixxekkel l-aċċess għal xogħlijiet ta’ referenza bħal enċiklopediji u dizzjunarji. Id-Direttiva dwar il-bażijiet ta’ data għandha tiġi riveduta għal raġunijiet edukattivi u dawk relatati mal-aċċess għat-tagħrif, kif ukoll fid-dawl tal-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità.

5.3

L-assoċjazzjonijiet jistgħu jaqdu wkoll ir-rwol li jedukaw lil poplu dwar kemm huwa importanti li nirrispettaw il-liċenzji tal-utent. L-utenti jridu jkunu konvinti li r-rispett lejn id-drittijiet tal-awtur hija kundizzjoni essenzjali li tippermetti l-attività kreattiva. Madankollu, mhux sewwa li l-ispejjeż tal-liċenzji u tat-terminali speċjali jaqgħu kollha fuq il-persuni b’diżabilità. Għalhekk għandu jkun hemm eċċezzjoni għad-diżabilitajiet kollha li joħolqu problemi ta’ aċċess għax-xogħlijiet. F’każijiet bħal dawn, l-ispejjeż għandhom jiġu koperti mill-istituzzjonijiet pubbliċi li huma obbligati li jpoġġu x-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-persuni b’diżabilità, inklużi l-bażijiet ta’ data u s-software. B’riżultat ta’ dan, il-leġiżlazzjoni għandha tiġi mmodifikata (12).

5.4

Il-libreriji u l-mużewijiet ewlenin tal-Ewropa jistgħu jintalbu jippreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom f’format speċifiku adattat għall-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabilità partikolari. L-ispejjeż involuti f’każijiet bħal dawn għandhom jiġu koperti mill-baġit għall-affarijiet kulturali fil-livell reġjonali jew nazzjonali. Politika bħal din tissodisfa l-obbligu li niżguraw ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha u li niġġieldu kull forma ta’ diskriminazzjoni.

5.5

L-eċċezzjoni għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka kif stipulata fid-Direttiva hija restrittiva wisq. L-iskop tagħha għandu jitwessa’ mingħajr preġudizzju għat-test tal-WTO billi jinkorpora l-informazzjoni dwar is-sors u l-awtur fid-dokument flimkien ma’ dettalji dwar il-limiti fuq l-użu u l-projbizzjoni tar-riproduzzjoni illegali.

5.6

Sistema ta’ liċenzji obbligatorji tista’ tkopri s-self ta’ xogħlijiet online għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka, abbażi ta’ kuntratt stabbilit bejn il-korpi tas-self.

5.7

L-eċċezzjoni għandha tapplika kemm għal siltiet minn xi xogħol magħżul mill-għalliema kif ukoll għal xogħlijiet sħaħ. Dan il-kriterju għandu jkopri l-iskopijiet edukattivi. Dan għandu jsaħħaħ is-sigurtà ġuridika mingħajr ma jdgħajjef id-drittijiet tar-riproduzzjoni. Fil-qafas edukattiv trans-Ewropew, armonizzazzjoni msaħħa tevita sitwazzjonijiet fejn azzjoni li tkun legali f’pajjiż titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur f’pajjiż ieħor.

5.8

It-tagħlim mill-bogħod (distance learning) jitlob li fid-djar jintużaw il-kopji (għodda tat-taħriġ) b’mod partikolari mill-istudenti iżda wkoll ċittadini Ewropej li jgħixu f’pajjiżi terzi.

6.   Kontenut maħluq mill-utent

6.1

Din il-kwistjoni qed issir dejjem aktar attwali, b’mod partikolari fil-kuntest kollaborattiv tal-Web 2 (13). Id-drittijiet tal-awtur jew it-tip ta’ liċenzjar alternattiv propost mill-awtur oriġinali jistgħu jiġu trasformati jew żviluppati mingħajr ma dan jitqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur.

6.2

Fil-każ ta’ inizjattivi bħall-enċiklopediji parteċipattivi, l-aktar approċċ sempliċi huwa li tintgħażel liċenzja xierqa bħall-creative commons jew il-liċenzja tal-wikipedia fejn l-awtur “oriġinali” jaġixxi ta’ moderatur qabel ma tiddaħħal informazzjoni addizzjonali jew isiru xi emendi filwaqt li fl-istess ħin iżomm id-diversità tal-ideat.

6.3

Dan l-eżempju konkret jurina kif l-internet mhux dejjem jikkonforma tajjeb mad-drittijiet tal-awtur.

6.4

Ir-remunerazzjoni tal-awturi li għandhom xogħol fuq l-internet ħafna drabi ma tiġix direttament mill-ħlas ta’ liċenzji, iżda x’aktarx minn qligħ indirett, pereżempju r-reklamar iktar milli l-abbonamenti. Minkejja li l-abbonamenti qed jiżdiedu, il-mudell kummerċjali tal-internet juża soluzzjonijiet innovattivi għad-disseminazzjoni li jinvolvi d-diġitalizzazzjoni u d-disseminazzjoni diġitali. F’dan il-kuntest ninsabu fil-fażi tranżizzjonali li nsibu mezzi ġodda ta’ ħlas (14) anki għaliex l-ispejjeż tal-produzzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet diġitali ma jistgħux jitqabblu mal-ispejjez ferm aktar għolja involuti fil-qasam tal-media tradizzjonali.

6.5

Għad irid jinstab bilanċ bejn il-metodi ġodda ta’ tixrid, it-teknoloġiji tar-riproduzzjoni, il-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-għarfien u d-drittijiet tal-awtur. Dan il-bilanċ ma jistax jinkiseb billi jittieħdu għadd kbir ta’ miżuri ripressivi li huma mmirati primarjament lejn kategorija ta’ nies ta’ ċertu żmien, li ssib ruħa kriminalizzata minħabba nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni jew minħabba li għadhom ma nstabux forom ġodda ta’ remunerazzjoni għall-awturi. Fid-dawl tal-importanza u r-rapidità tal-avvanzi teknoloġiċi jeħtieġ li nespandu l-limiti attwali kemm jista’ jkun malajr.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Li twessgħet sabiex tiġbor fiha wkoll oqsma ġodda u aspetti tal-kreattività intellettwali.

(2)  WIPO – World Intellectual Property Organisation.

(3)  COM(2007) 724 finali tal-20.11.2007 - Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21.

(4)  Uħud minnhom jindirizzaw il-kwistjoni tad-drittijiet ad hoc bħal dawk li jgawdu minnhom l-awturi ta’ bażijiet ta’ data u d-disinjaturi ta’ ċirkwiti elettronċi.

(5)  L-awturi bħala dawk li ħolqu u fasslu xogħol waħidhom jew bl-għajnuna ta’ xi ħadd ieħor.

(6)  GPL – Green Public Licence li tirreferi għas-software b’xejn.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Il-kooperazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien”.

(8)  Numru sostanzjali ta’ kumpaniji privati kbar jagħtu kontribut finanzjarju attiv għal proġetti bħal dawn permezz ta’ liċenzji individwali jew mingħajr ħlas għax iqisuhom sors ta’ innovazzjoni li jġib miegħu profitt.

(9)  Kull file għandu jkollu “water mark” b’link għal nota li tispejga l-kundizzjonijiet u l-limiti fuq l-użu tal-liċenzja għal utenti speċifiċi definiti.

(10)  Pereżempju kopja fil-post, kopja f’istituzzjoni simili, ibbażata fuq ftehim ta’ konservazzjoni reċiproku u kopja fuq server diġitali.

(11)  Pereżempju sabiex jinħolqu files ta’ dokumentazzjoni għar-riċerkaturi f’oqsma partikolari u għal-laboratorji jew negozji oħra.

(12)  Dan għandu japplika għll-bażijiet ta’ data oriġinali kif ukoll għall-bażijiet ta’ data “sui generis” (dizzjunarji, enċiklopediji).

(13)  WEB 2 tfisser interfaces li jippermettu lill-utenti tal-internet li jaħdmu kemm fuq il-kontenut tas-siti kif ukoll li jikkomunikaw bejniethom. Għalhekk il-WEB2 hija kemm komunità kif ukoll sit interattiv.

(14)  Bħall-inizjattivi tal-Google jew dan l-aħħar tal-Microsoft.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv

COM(2008) 468 finali

2009/C 228/09

Nhar il-15 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn programmazzjoni konġunta tar-riċerka: naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur ZBOŘIL.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jinnota li l-kunċett propost sabiex tiġi implimentata ġestjoni strateġika transkonfinali tal-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp huwa importanti ħafna u urġenti, b’mod partikulari sabiex ikun jista’ jitħaffef il-progress imwettaq fl-oqsma essenzjali tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-“pjan strateġiku Ewropew” jistabbilixxi sistema funzjonali fuq il-bażi tal-aħjar prattiki.

1.2

Dan jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ proċess immexxi mill-Istati Membri bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar l-isfidi prinċipali tas-soċjetà fil-livell Ewropew jew globali, fejn ir-riċerka pubblika taqdi rwol prinċipali. F’dak is-sens, il-KESE jilqa’ u jappoġġja wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tat-2 ta’ Diċembru 2008 (1) dwar dan is-suġġett u japprova d-dikjarazzjonijiet li saru fih.

1.3

Il-KESE huwa konvint mill-bżonn li jinħolqu oqfsa bażiċi strateġiċi skont il-prijoritajiet politiċi tal-UE. Sabiex jintuża l-approċċ propost jeħtieġ li qabel kollox ikun hemm rieda politika qawwija.

1.4

Il-KESE jindika li m’għandhiex tingħata importanza żejda lill-approċċ minn fuq għal isfel. Jemmen li huwa importanti li qabel kollox jintuża l-prinċipju minn isfel għal fuq, sabiex jinżammu l-interessi strateġiċi tal-parteċipanti u jingħataw il-possibilità li jaqsmu l-aħjar kapaċitajiet ta’ riċerka u żvilupp.

1.5

Il-Kumitat jenfasizza ukoll li koordinazzjoni bħal din mhux ser tkun faċli, partikularment minħabba l-interessi partikulari ta’ ċerti pajjiżi u n-nuqqas ta’ rieda politika fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u żvilupp.

1.6

Il-KESE jappoġġja totalment l-idea li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani mill-aktar fis possibbli, minħabba l-kompetizzjoni mar-rivali ekonomiċi prinċipali. Madankollu, dan bl-ebda mod m’għandu jikkomprometti l-kooperazzjoni xjentifika li tinkludi b’mod partikulari dawn il-pajjiżi u l-korpi tagħhom ta’ riċerka (2).

1.7

Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni konġunta għall-attivitajiet transkonfinali tar-riċerka u l-iżvilupp ser tkun diffiċli ħafna, minħabba li din ser tesiġi bidla fil-mentalità lejn aktar ftuħ u kooperazzjoni (3), u din it-tip ta’ bidla mhix faċli li tinkiseb.

1.8

Filwaqt li jirrikonoxxi u japprezza l-firxa wiesgħa tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-proġetti konġunti eżistenti u r-riżultati eċċellenti tagħhom, il-Kumitat jirrakkomanda li għandha tittieħed l-esperjenza rilevanti minn dawn il-programmi sabiex tiġi sfruttata f’dan il-kunċett ġdid ta’ programmazzjoni strateġika. Għandha tittieħed lezzjoni adegwata mill-fallimenti meta jkunu qegħdin jitfasslu l-proċessi tal-programmazzjoni konġunti tar-riċerka.

1.9

Applikazzjoni aktar effikaċi u aktar mgħaġġla tal-għarfien xjentifiku miksub ser teħtieġ parteċipazzjoni adegwata mis-settur privat fil-proċess kollu. Barra minn hekk, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet marbuta mal-parteċipazzjoni tas-settur privat, b’mod partikulari fir-rigward tal-użu tar-riżultati, il-kwistjoni tal-proprjetà intelletwali, eċċ. (4)

1.10

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa indispensabbli li, għal dawn l-attivitajiet Komunitarji importanti, jinħolqu u jiġu stabbiliti oqfsa ta’ ħidma ta’ kwalità li jħeġġu l-involviment ta’ Stati Membri differenti speċjalment il-kapaċitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp, sabiex jiġi appoġġjat l-approċċ neċessarju minn isfel għal fuq u fuq kollox jiġu mmobilizzati l-finanzi neċessarji. Huwa assolutament indispensabbli li jkun hemm mobilità suffiċjenti tal-fondi u qafas ta’ appoġġ, sabiex jiġu eliminati l-ostakli potenzjali.

1.11

Waqt it-tħejjija ta’ dawn l-oqsfa ta’ ħidma, mhux biss jeħtieġ li jitqiesu l-fatturi li jista’ jkollhom effetti sinerġetiċi ta’ appoġġ, iżda wkoll li jiġu analizzati fil-fond ir-riskji li jheddu l-kunċett ta’ programmazzjoni Ewropea konġunta.

1.12

F’dan ir-rigward, il-Kumitat diġà appoġġja u enfasizza l-urġenza li jinħolqu infrastrutturi Ewropej ta’ riċerka (5) li jsaħħu l-objettivi ġenerali tal-programmazzjoni konġunta u jżidu l-valur miżjud Ewropew. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri sabiex b’mod kreattiv isegwu din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, mill-aktar fis possibbli.

1.13

Il-Kumitat jilqa’ t-twaqqif tal-“Grupp ta’ Livell Għoli għall-Ipprogrammar Konġunt” biex jidentifika s-suġġetti li għandhom jintgħażlu għall-programmazzjoni konġunta, wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa mal-komunitajiet xjentifiċi differenti reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u fejn kien xieraq mas-settur privat. B’konsegwenza ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kunsill, wara proposta min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jkun jista’ jadotta inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta mhux aktar tard mill-2010.

2.   Introduzzjoni u preżentazzjoni tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Sabiex l-Ewropa twettaq dak li ddikjarat – żvilupp ibbilanċjat u sostenibbli – jeħtiġilha tinvesti aktar fir-riċerka, u fl-istess ħin jeħtieġ ukoll li tinvesti b’mod aktar effikaċi. L-Istrateġija ta’ Liżbona tindika li l-aktar għan urġenti huwa t-tranżizzjoni lejn soċjetà tal-għarfien ibbażata fuq ix-xjenzi, it-teknoloġiji u l-innovazzjoni u titlob għal żieda u titjib tal-investiment fir-riċerka.

2.2

Il-programmazzjoni konġunta hija inizjattiva ġdida li tirrapreżenta bidla fil-kooperazzjoni Ewropea fis-settur tar-riċerka. Din toffri proċess volontarju biex jingħata nifs ġdid lis-sħubija bejn l-Istati Membri, ibbażat fuq prinċipji ċari u gvernanza trasparenti ta’ livell għoli. Għandha l-għan li żżid l-effikaċja u l-impatt tal-fondi nazzjonali tar-riċerka pubblika fl-oqsma strateġiċi. Il-programmazzjoni konġunta għandha l-għan li tolqot, l-ewwel u qabel kollox, il-programmi ta’ riċerka pubblika, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn oqsma pubbliċi differenti. Madankollu, l-industrijalisti u partijiet interessati oħrajn għandu jkollhom rwol fil-proċess konsultattiv u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti inizjattivi ta’ programazzjoni konġunta.

2.3

Il-Komunikazzjoni twieġeb għat-talbiet mill-partijiet interessati għal approċċ volontarju minn isfel għal-fuq flimkien ma’ gwida strateġika fil-livell Ewropew u għat-tiċħid tagħhom ta’ metodu maħluq fuq mudell universali.

2.4

Din il-Komunikazzjoni hija waħda mill-ħames inizjattivi ta’ politika ppjanati mill-Kummissjoni biex isegwu l-Green Paper tal-2008 dwar “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda” (6). Tirreferi b’mod partikulari għad-dimensjoni “L-Ottimizzazzjoni tal-Programmi u l-Prijoritajiet ta’ Riċerka” u tirrappreżenta pass ’il quddiem fil-ħolqien tal-“ħames libertà” billi jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-għarfien.

2.5

Meta mqabbla mal-imsieħba ewlenin tagħha, l-Ewropa mhix qed tinvesti biżżejjed fir-riċerka, u f’dawn l-aħħar għaxar snin in-nefqa tas-settur pubbliku u dak privat fir-riċerka u l-iżvilupp baqgħet ġeneralment staġnata. L-Ewropa mhux biss trid iżżid in-nefqa tagħha b’mod mgħaġġel u sostanzjali, iżda trid ukoll tfittex modi ġodda u innovattivi kif tuża r-riżorsi skarsi tar-riċerka u l-iżvilupp b’mod aktar effiċjenti u effettiv. Barra minn hekk, l-Ewropa trid issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tbiddel ir-riżultati tar-riċerki tagħha f’benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija.

2.6

F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri u l-Komunità adottaw bosta inizjattivi biex jistimulaw l-effikaċja tar-riċerka pubblika. Il-partijiet interessati identifikaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-programmi pubbliċi nazzjonali tar-riċerka u l-iżvilupp bħala punt dgħajjef tar-riċerka u l-iżvilupp tal-UE. Madankollu, minkejja l-isforzi li saru fl-aħħar snin biex tingħeleb il-problema, ix-xena Ewropea tar-riċerka għadha maqsuma f’kategoriji distinti.

2.7

Illum, 85 % tal-attività pubblika tar-riċerka u l-iżvilupp hija pprogrammata, iffinanzjata, segwita u evalwata fil-livell nazzjonali, b’kollaborazzjoni jew koordinazzjoni bejn pajjiżi differenti limitata ħafna. Anqas minn 6 % tal-investiment totali fir-riċerka u l-iżvilupp u 15 % biss tar-riċerka u l-iżvilupp Ewropej bi skop ċivili ffinanzjat minn fondi pubbliċi (li 10 % ġejjin minn organizzazzjonijiet u programmi intergovernattivi, u 5 % mill-Programm Qafas) huma ffinanzjati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni transkonfinali.

2.8

Il-kwistjoni mhix li l-programmazzjoni kollha tar-riċerka għandha titwettaq f’kooperazzjoni u lanqas li l-programmazzjoni purament nazzjonali għandha titwaqqaf. Il-problema pjuttost hija li s’issa, f’oqsma ta’ importanza strateġika għall-Ewropa kollha jew għall-parti kbira minnha, il-frammentazzjoni tal-programmi tar-riċerka pubblika tagħti riżultati anqas tajbin u lill-Ewropa qed tiswilha ħafna, barra l-fatt li ma tħallihiex tilħaq l-għanijiet soċjali stabbiliti.

2.9

Xi wħud mill-akbar suċċessi xjentifiċi tal-Ewropa huma l-frott ta’ raggruppament transkonfinali ta’ fondi ddedikati għar-riċerka u l-iżvilupp, u prinċipalment permezz tal-ħolqien ta’ strutturi konġunti ta’ riċerka (7). Dawn l-inizjattivi komuni madankollu setgħu jħallu impatt akbar kieku l-attenzjoni li ngħatat għal din il-problema kienet strateġikament immirata u akkumpanjata minn impenn politiku, trasparenza u anqas riġidità. Ma tantx tagħmel sens li jiżdiedu dawn l-inizjattivi jew id-daqs globali tas-7 Programm Qafas mingħajr programmazzjoni strateġika konġunta effikaċi.

2.10

Il-programmazzjoni konġunta tmur id f’id mal-bidla tal-istruttura tax-xena Ewropea tar-riċerka. Dan huwa proċess komprensiv u strateġiku fuq medda twila ta’ żmien, bil-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tiffaċċja l-isfidi ekonomiċi u soċjali prinċipali, bħal pereżempju l-problemi relatati tal-klima u l-enerġija. Il-programmazzjoni konġunta tikkonsisti fil-ksib ta’ effetti ta’ strutturar sabiex jiżdiedu l-effikaċja u l-impatt tal-fondi għar-riċerka pubblika. Il-programmazzjoni konġunta tfisser li l-Istati Membri jkunu lesti li jimxu fid-direzzjoni tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ aġendi komuni ta’ riċerka b’attivitajiet multiannwali approvati b’mod konġunt u mekkaniżmi ta’ finanzjament.

2.11

Il-programmazzjoni konġunta teħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw attitudni ġdida. L-ewwel nett, hemm bżonn ta’ impenji u azzjonijiet konkreti min-naħa tal-Istati Membri kif ukoll kunsiderazzjoni u organizzazzjoni mill-ġdid dwar kif jitħejjew u jiġu implimentati l-programmi ta’ riċerka, li jridu jiġu ffokati fuq għanijiet komuni. Din hija r-raġuni għaliex il-programmazzjoni konġunta għandha tkun proċess volontarju bbażat fuq il-prinċipju tal-ġeometrija varjabbli u tal-aċċess miftuħ.

2.12

A priori, il-programmazzjoni konġunta ma tinvolvix finanzjament Komunitarju, anke jekk is-7 Programm Qafas jista’, naturalment, jaġixxi ta’ xprun. L-idea hi li jkunu l-Istati Membri stess li jiddefinixxu strateġiji komuni u jgħaqqdu r-riżorsi nazzjonali. Fl-istess ħin, din ma teskludix il-possibbilità ta’ finanzjament Komunitarju komplementari skont il-valur miżjud, id-dimensjoni Ewropea u l-impatt ta’ strutturar possibbli tal-inizjattivi kkonċernati.

2.13

Il-Kummissjoni tipproponi metodoloġija prammatika sabiex il-programmazzjoni konġunta titħaddem f’għadd limitat ta’ oqsma miftiehma. Il-metodoloġija tal-programmazzjoni strateġika hija bbażata fuq l-esperjenza miksuba dwar il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, iżda adattata għall-progammi ta’ riċerka pubblika. Din tinvolvi l-istadji suċċessivi li jikkorrispondu maċ-ċiklu ta’ ħajja tal-programmi ta’ riċerka, mit-tħejjija tal-programm għall-implimentazzjoni tiegħu, sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

2.14

Il-programmazzjoni konġunta tista’ ssir eħfef jekk jiddaħħlu fis-seħħ għadd ta’ kondizzjonijiet qafas:

ftehim dwar għadd ta’ prinċipji u proċeduri li jinqasmu bejn atturi differenti għal evalwazzjoni bejniethom (“ir-regoli xjentifiċi tal-logħba”);

l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni għall-attivitajiet ta’ previżjoni u għall-evalwazzjoni konġunta ta’ programmi jew investiment nazzjonali jew reġjonali f’oqsma speċifiċi ta’ riċerka (“ir-regoli xjentifiċi tal-logħba” jeħtieġu flessibilità u intuwizzjoni minħabba l-elementi imprevidibbli);

id-definizzjoni ta’ prinċipji komuni għal finanzjament transkonfinali tar-riċerka mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali (“ir-regoli finanzjarji tal-logħba”);

miżuri effettivi biex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u biex jiġu ffaċilitati d-disseminazzjoni u l-aħjar użu tar-riżultati tar-riċerka.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni u jinnota li l-kunċett propost sabiex tiġi implimentata ġestjoni strateġika transkonfinali tal-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp huwa importanti ħafna u urġenti, b’mod partikulari sabiex ikun jista’ jitħaffef il-progress imwettaq fl-oqsma essenzjali tar-riċerka u l-iżvilupp. F’dak is-sens, il-KESE jilqa’ u jappoġġja wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tat-2 ta’ Diċembru 2008 dwar dan is-suġġett u japprova d-dikjarazzjonijiet li saru fih.

3.2

Il-kunċett jippreżenta karatteristiċi pożittivi peress li jipprova juża l-fondi pubbliċi b’mod kemm jista’ jkun effikaċi permezz tal-koordinazzjoni strateġika tal-linji gwida fundamentali tar-riċerka, u jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ riċerka u żvilupp permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali wiesgħa għall-proġetti ta’ riċerka li jsiru fil-kuntest ta’ programmazzjoni u soluzzjonijiet konġunti.

3.3

Il-Kumitat jilqa’ l-analiżi ta’ impatt li saret u li fuq din il-bażi ntgħażel, fost erba’ possibilitajiet, “il-pjan strateġiku Ewropew” li huwa bbażat fuq l-aħjar prattiki attwali u jiżviluppa sistema funzjonali fejn is-suġġetti tal-programmazzjoni konġunta jiġu identifikati mill-Istati Membri.

3.4

Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa’ wkoll il-fatt li għall-proġett pilota ta’ koordinazzjoni ntgħażel il-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija, u jappoġġja totalment dan il-proġett u l-approċċ il-ġdid tiegħu fl-opinjoni tiegħu relatata mal-pjan SET (8).

3.5

Il-KESE huwa konvint mill-bżonn li jinħolqu oqfsa bażiċi strateġiċi skont il-prijoritajiet politiċi tal-UE.

3.6

Il-KESE jindika li m’għandhiex tingħata importanza żejda lill-approċċ minn fuq għal isfel. Min-naħa l-oħra jemmen li jekk dan ikun ibbażat fuq il-karatteristiċi attwali tan-netwerks xjentifiċi internazzjonali eżistenti, li jiġbru diversi gruppi ta’ riċerka u huma parzjalment appoġġjati minn aġenziji internazzjonali bħall-AIE, huwa importanti li qabel kollox jintuża l-prinċipju minn isfel għal fuq, sabiex jiġu involuti l-atturi differenti fil-proġetti kkonċernati b’tali mod li jinżammu l-interessi strateġiċi tagħhom u l-possibilitajiet li jiġu kondiviżi l-aħjar kapaċitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Il-konferenzi xjentifiċi internazzjonali jistgħu jikkostitwixxu fora adegwati, li jistgħu jkunu responsabbli mit-tħejjija ta’ proposti xierqa.

3.7

Il-Kumitat jenfasizza li koordinazzjoni bħal din mhux ser tkun faċli, partikularment minħabba l-interessi partikulari ta’ ċerti pajjiżi u n-nuqqas ta’ rieda politika fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Il-ftuħ u t-trasparenza ser ikunu indispensabbli għal implimentazzjoni prattika b’suċċess ta’ dan il-kunċett.

3.8

Filwaqt li jirrikonoxxi u japprezza l-firxa wiesgħa tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-proġetti konġunti eżistenti u r-riżultati eċċellenti tagħhom, il-Kumitat jirrakkomanda li għandha tittieħed l-esperjenza rilevanti minn dawn il-programmi sabiex tiġi sfruttata f’dan il-kunċett ġdid ta’ programmazzjoni strateġika. Għandha tittieħed lezzjoni adegwata mill-fallimenti meta jkunu qegħdin jitfasslu l-proċessi tal-programmazzjoni konġunti tar-riċerka.

3.9

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea li dan il-kunċett jiġi implimentat minnufih waqt li jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u umani, sabiex il-Komunità tkun tista’ ttejjeb il-pożizzjoni u l-kompetittività ekonomika tagħha meta mqabbla mar-rivali prinċipali tagħha, l-Istati Uniti u l-pajjiżi Ażjatiċi. Madankollu, dan bl-ebda mod m’għandu jikkomprometti l-kooperazzjoni xjentifika li tinkludi b’mod partikulari dawn il-pajjiżi u l-korpi tagħhom ta’ riċerka (9).

3.10

Fl-istess ħin, il-Kumitat jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni konġunta għall-attivitajiet transkonfinali tar-riċerka u l-iżvilupp ser tkun diffiċli ħafna, minħabba li din ser tesiġi bidla fil-mentalità lejn aktar ftuħ u kooperazzjoni (10), u din it-tip ta’ bidla mhix faċli li tinkiseb.

3.11

Applikazzjoni aktar effikaċi u aktar mgħaġġla tal-għarfien xjentifiku miksub, li tikkostitwixxi l-għan finali tal-programmazzjoni strateġika konġunta u s-soluzzjonijiet speċifiċi ta’ riċerka, ser teħtieġ parteċipazzjoni adegwata mis-settur privat għall-proċess kollu. Il-Kumitat jinnota li l-kunċett ta’ programmazzjoni konġunta jippermetti parteċipazzjoni bħal din. Barra minn hekk, jindika li l-parteċipazzjoni tas-settur privat twassal għal diffikultajiet, b’mod partikulari fir-rigward tal-użu tar-riżultati, il-kwistjoni tal-proprjetà intelletwali, eċċ. (11)

3.12

Il-proċess ta’ innovazzjoni, jiġifieri l-applikazzjoni konkreta tal-għarfien xjentifiku miksub, ser jiddependi minn fatturi lokali varjati ħafna, bħal pereżempju l-infrastruttura eżistenti, l-aċċess għall-kapital, rati tat-taxxa u inċentivi fiskali relatati ma’ ċerti tipi ta’ investiment, jew l-esperjenza tal-industrija fir-rigward ta’ tipi simili ta’ investiment. Jistgħu jkunu involuti wkoll inċentivi diretti għall-investiment, bħalma huma l-perijodi stipulati ta’ ħelsien mit-taxxa (tax holidays). Dawn il-fatturi jistgħu jwasslu għal kontradizzjonijiet fil-proġetti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Huwa evidenti li l-isfidi attwali l-aktar urġenti tas-soċjetà (bidla fil-klima, produzzjoni u konsum effikaċi tal-enerġija, inkluż minn sorsi rinnovabbli, sigurtà, saħħa u tixjiħ tal-popolazzjoni) jridu jkunu, b’mod prijoritarju, is-suġġett ta’ programmazzjoni u soluzzjonijiet fil-qafas ta’ strateġija konġunta li tibbaża fuq l-iżvilupp xjentifiku u tekniku, sabiex ikunu jistgħu jinstabu u jiġu implimentati soluzzjonijiet suffiċjentement rapidi u effikaċi.

4.2   L-elementi kkonċernati huma l-qasam strateġiku prinċipali tar-riċerka fundamentali, iffinanzjat qabel kollox minn fondi pubbliċi, il-proċess ta’ programmazzjoni strateġika konġunta u s-soluzzjonijiet ta’ riċerka. F’dan il-kuntest, hemm bżonn li l-ewwel nett tiġi kkontrollata l-fażi inizjali ta’ kull proġett, partikularment l-identifikazzjoni ta’ partijiet interesssati mixtieqa u t-tħejjija ta’ viżjoni motivanti biżżejjed tal-proġett sabiex jiġu attirati partijiet interessati ta’ kwalità.

4.2.1   Madankollu, fl-ebda każ il-proposta m’għandha teskludi l-qasam tar-riċerka fundamentalment pura. Minflok, għandha tinkludi l-kooperazzjoni f’dan il-qasam fejn l-ebda applikazzjoni tanġibbli ma tista’ tiġi antiċipata minn qabel. Il-passat juri li hija r-riċerka fundamentali li ħalliet l-aktar suċċess, bħal pereżempju l-laser, il-mekkanika tal-kwantum jew it-teorija tal-elettromanjetiżmu.

4.3   Filwaqt li l-proposta ta’ programmazzjoni strateġika konġunta ser tiġi implimenta u ffinanzjata mill-Istati Membri parteċipanti u ser tibqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom, huwa mixtieq li l-korpi Komunitarji jipparteċipaw fit-tnedija u l-aktar fil-koordinazzjoni, matul il-fażi inizjali tat-tħejjija ta’ viżjoni konġunta. Il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jintervjenu bħala faċilitaturi u jridu jkunu lesti li joffru l-għajnuna mitluba mill-Istati Membri li jipparteċipaw f’inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mbagħad irid jassigura segwitu effikaċi tal-attivitajiet. Permezz ta’ dan l-approċċ miftuħ, l-Istati Membri ser jinżammu infurmati bl-inizjattivi previsti jew li jkunu għaddejjin.

4.4   Barra minn hekk huwa essenzjali li l-programmazzjoni konġunta tadotta approċċ realistiku u flessibbi flimkien ma’ proċess gradwali sabiex tilħaq l-aħjar effett ta’ strutturar potenzjali u l-kontribut tagħha għas-soċjetà.

4.5   Fil-fehma tal-Kumitat, huwa indispensabbli li, għal dawn l-attivitajiet Komunitarji importanti, jinħolqu u jiġu stabbiliti oqfsa ta’ ħidma ta’ kwalità li jħeġġu l-involviment ta’ Stati Membri differenti speċjalment il-kapaċitajiet tagħhom ta’ riċerka u żvilupp, sabiex jiġi appoġġjat l-approċċ neċessarju minn isfel għal fuq u fuq kollox jiġu mmobilizzati l-finanzi neċessarji. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ programmi konġunti eżistenti ta’ riċerka, għandha tippromovi immedjatament il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati. Huwa assolutament indispensabbli li jkun hemm mobilità suffiċjenti tal-fondi u qafas ta’ appoġġ.

4.6   Waqt it-tħejjija ta’ dawn l-oqsfa ta’ ħidma, mhux biss jeħtieġ li jitqiesu l-fatturi li jista’ jkollhom effetti sinerġetiċi ta’ appoġġ, iżda wkoll li jiġu analizzati fil-fond ir-riskji li jheddu l-kunċett ta’ programmazzjoni Ewropea konġunta u l-implimentazzjoni konkreta tar-riżultati Fil-fatt, is-sottovalutazzjoni ta’ dawn ir-riskji tista’ tkun il-kawża tan-nuqqas ta’ suċċess, waqt il-fażi ta’ twettiq, ta’ ideat li jkunu interessanti. Jidher ċar mill-Komunikazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn li l-Kummissjoni tat l-attenzjoni mixtieqa lil dawn il-fatturi.

4.7   Il-proġett pilota li jikkostitwixxi l-pjan SET irid jiġi kkontrollat b’attenzjoni u l-proċessi implimentati f’dan il-kuntest iridu jiġu analizzati sabiex din l-esperjenza tippermetti t-titjib tal-pjan strateġiku Ewropew ta’ programmazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali fir-riċerka u l-iżvilupp. Għad-dinja Ewropea tar-riċerka u l-iżvilupp dan ifisser proċess ta’ tagħlim empiriku.

4.8   Hemm bżonn li jinħolqu strutturi ġodda ta’ organizzazzjoni tal-attivitajiet transkonfinali ta’ riċerka u żvilupp fl-oqsma fejn dawn jagħtu kontribut ċar għal-livell Ewropew u jipproduċu b’mod ċar valur miżjud. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-istrutturi organizzattivi li wrew li huma validi (ikunu kisbu riżultati xjentifiċi jew fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali) jew li jistgħu jkomplu jiġu żviluppati b’mod effikaċi.

4.9   Il-Kumitat jaqbel mal-għażla li l-proċess ta’ programmazzjoni strateġika konġunta tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp jinqasam fi tliet fażi u mal-fatt li dan jiġi implimentat:

4.9.1   L-ewwel nett trid titħejja viżjoni komuni għall-qasam miftiehem, li tistabbilixxi l-objettiv/i fuq perijodu fit-tul approvati fil-livell politiku. Din il-viżjoni trid tiġi żviluppata abbażi ta’ evidenza kredibbli, konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, b’mod partikulari mal-komunitajiet xjentifiċi u industrijali, kif ukoll evalwazzjoni konġunta tal-programmi u d-dispożizzjonijiet eżistenti.

4.9.2   Ladarba tiġi stabbilita din il-viżjoni, għandha titħejja Aġenda Strateġika ta’ Riċerka, li tinkludi għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu, aċċettabbli, realistiċi u bbażati fuq perijodu ta’ żmien (objettivi SMART). Din l-aġenda strateġika ta’ riċerka għandha tiggarantixxi r-rabta tal-objettivi tal-proġetti mar-riżorsi umani, finanzjarji u organizzattivi neċessarji, u li għalhekk tippermetti tħejjija tajba tal-proġett permezz tal-għarfien neċessarju tal-kuntest f’settur determinat ta’ riċerka.

4.9.3   Sabiex tiġi implimentata l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka, hemm bżonn li tintuża u tissaħħaħ il-firxa wiesgħa ta’ strumenti tar-riċerka pubblika (programmi ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali, korpi ta’ riċerka u programmi ta’ kooperazzjoni intergovernattivi, infrastrutturi ta’ riċerka, programmi ta’ mobilità, eċċ.). Eventwalment, l-implimentazzjoni tista’ tinkludi l-fondi u l-istrumenti tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ programm qafas. Għandhom jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni regolari tal-progress miskub mill-proġett ta’ riċerka konġunta u r-riżultati għandhom jiġu kkomunikati lil-livell politiku.

4.10   Peress li l-proġetti ta’ programmazzjoni konġunti, bħall-każ tal-infrastrutturi Ewropej ta’ riċerka, ser jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi assigurata l-koordinazzjoni ta’ dan il-finanzjament. Il-Kumitat jenfasizza li huwa neċessarju li jinstabu s-sinerġiji adegwati bejn il-ħolqien ta’ infrastrutturi Ewropej ta’ riċerka, il-programmazzjoni konġunta u s-7 Programm Qafas. Fl-istes ħin, il-Kumitat jinnota li ċerti Stati Membri ma ħadux dawn l-inizjattivi bis-serjetà.

4.11   Il-Kumitat jilqa’ t-twaqqif tal-“Grupp ta’ Livell Għoli għall-Ipprogrammar Konġunt” biex jidentifika s-suġġetti li għandhom jintgħażlu għall-programmazzjoni konġunta, wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa mal-komunitajiet xjentifiċi differenti reġjonali, nazzjonali u Ewropej, u fejn kien xieraq mas-settur privat. B’konsegwenza ta’ dawn l-attivitajiet, il-Kunsill, wara proposta mistennija min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jkun jista’ jadotta inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta mhux aktar tard mill-2010.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 3 ta’ Diċembru 2008 (16.12) 16775/08, RECH 411; COMPET 551; APPENDIĊI

(2)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/461; CESE 1021/2009 tas-11.6.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/448; CESE 330/2009 tas-26.2.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/448; CESE 330/2009 tas-26.2.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Opinjoni INT/450 – CESE 40/2009 – 2008/0148 (CNS) tal-15.1.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Barra minn din il-Komunikazzjoni, din is-sena l-Kummissjoni adottat:

Rakkomandazzjoni dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn, COM(2008) 1329 tal-10.4.2008;

Komunikazzjoni dwar “Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għal riċerkaturi” COM(2008) 317 tat-23.5.2008.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa qed tħejji Regolament tal-Kunsill dwar “Qafas ġuridiku tal-Komunità għal Infratruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERI)” u Komunikazzjoni dwar “Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali xejntifika u teknoloġika”.

(7)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/450: CESE 40/2009 – 2008/0148 (CNS) tal-15.1.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Opinjoni dwar il-pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (ĠU C, 27, 3.2.2009, p. 53).

(9)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/461; CESE 1021/2009 tas-11.6.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(10)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/448; CESE 330/2009 tas-26.2.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Ara b’mod partikulari l-opinjoni INT/448; CESE 330/2009 tas-26.2.2009 (Din l-opinjoni għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

COM(2008) 602 finali – 2008/0191 (COD)

2009/C 228/10

Nhar it-22 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda b’konformità mal-Artikolu 47 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, addottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur BURANI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’179 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat approva l-inizjattiva tal-Kummissjoni, konformi mal-azzjoni tagħha ta’ aġġornament kontinwu tal-miżuri maħsuba għat-titjib u l-aġġornament tal-qafas leġiżlattiv tal-Ftehim ta’ Basle. Barra minn hekk jaqbel b’mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet implimentattivi kif proposti, ħlief għal xi osservazzjonijiet dwar aspetti waħdanin, li ma jibdlux il-qafas ġenerali.

1.2

L-istrumenti ta’ kapital ibridu, li jippreżentaw karatteristiċi mħallta ta’ kapital proprju (equity) u kapital ta’ debitu, huma fil-fatt suġġetti għal regoli nazzjonali li għandhom ikunu armonizzati biex jinkiseb livell ta’ parità fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni preċiża lil dawn l-istrumenti minħabba li huma jieħdu għamliet diversi u evoluttivi, iżda tiffissa prinċipji bażiċi għall-ammissibbiltà tagħhom: m’għandux ikollhom skadenza inizjali ta’ anqas minn 30 sena, u għandhom ikunu mħallsa kollha u mfassla b’mod li jassorbu t-telf kollu. Barra minn dan, m’għandhomx jiżviluppaw b’mod eċċessiv fir-rigward tal-kapital proprju; l-awtoritajiet nazzjonali huma ddelegati bis-setgħa li jintervjenu biex irażżnu żidiet fil-valur mhux normali.

1.3

Fir-rigward ta’ klijenti affiljati, iddaħħal il-kunċett tar-riskju li joriġina mid-diffikultajiet li jkollha azjenda li minnha tkun tiddependi finanzjarjament azjenda oħra, u l-obbligi dwar l-għoti ta’ informazzjoni ġew simplifikati, armonizzati u ristrutturati. Fir-rigward ta’ riskji kbar, l-innovazzjoni li kienet l-aktar prominenti hija dwar l-introduzzjoni ta’ limitu uniku ta’ 25 %, li jinkludi wkoll id-depożiti interbankarji. Il-KESE jsostni li din l-aħħar regola, aktarx imnebbħa mix-“xenarju katastrofiku” ta’ dan l-aħħar, għandha tiġi riveduta, minħabba l-funzjoni regolatorja importanti tal-likwidità ta’ dawn id-depożiti u tal-livell ta’ riskju relattivament iżgħar, fi żminijiet normali, fil-konfront ta’ tipi oħra ta’ skoperturi.

1.4

Il-proposta tintroduċi dispożizzjoni li timponi ż-żamma ta’ interess ekonomiku materjali ta’ mhux anqas minn 5 % fuq l-emittenti, l-intermedjarji u d-diriġenti li jkunu involuti direttament fin-negozjar, l-istrutturar u d-dokumentazzjoni tal-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligi. Jidher li l-ispirazzjoni wara din id-dispożizzjoni kienet l-esperjenza kerha fir-rigward tas-CDOs (obbligazzjonijiet ta’ debitu b’garanzija) Amerikani, għalkemm l-oriġini u l-karatteristiċi tagħhom huma differenti minn titulizzazzjonijiet normali. Il-KESE jistaqsi dwar l-impatt ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida fuq il-likwidità tas-swieq.

1.5

L-Istati Membri ngħataw il-fakultà li fil-kalkolu jeżentaw mill-iskoperturi r-riskji bejn il-gruppi meta l-kontropartijiet ikunu stabbiliti fl-istess Stat Membru. Il-Kumitat huwa aġġornat sew dwar il-motivi ta’ natura legali li jfixklu l-estensjoni tar-regoli għall-kontropartijiet residenti fi Stati Membri oħra, iżda jsostni li f’kundizzjonijiet normali, jekk il-kontropartijiet barranin ma jiġux inklużi issir ħsara fil-valutazzjoni globali tal-livell ta’ riskju tal-azjenda inkwistjoni. Soluzzjoni raġjonevoli tista’ tkun l-estensjoni tal-eżenzjoni tal-grupp kollu skont valutazzjonijiet li jsiru każ b’każ, għajr fejn tkun meħtieġa sospensjoni jekk ikun hemm sinjali ta’ problemi kritiċi.

1.6

B’referenza għar-regola msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan, iżda b’mod ġenerali, il-Kumitat jerġa’ jiddikjara għal darb’ oħra li huwa kontra l-konċessjoni tal-fakultà lill-Istati Membri li jagħżlu jekk jadottawx jew le dispożizzjonijiet bħal dawn. Jibqa’ mhux mittiefes il-prinċipju tal-armonizzazzjoni u l-parità tal-kundizzjonjiet tal-kompetizzjoni.

1.7

Fil-fehma tal-KESE, għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riskju kkawżat mill-iskopertura li tista’ tirriżulta mill-użu ta’ linji ta’ kreditu li jkunu għadhom ma ntużawx fuq il-karti ta’ kreditu: skopertura li tista’ ssir rilevanti f’daqqa waħda f’perjodi ta’ restrizzjonijiet fuq il-kreditu għall-konsum u fuq dak ipotekarju.

1.8

Dwar arranġamenti superviżorji, il-proposta għal direttiva tintroduċi sensiela ta’ regoli ġodda maħsuba biex tiżdied l-effiċjenza tal-kontrolli: l-ewwel nett, għandha titqies “il-fergħa rilevanti mil-lat ta’ riskji sistematiċi”, li għandu jkollha superviżjoni fil-pajjiż ospitanti meta jsir magħruf l-istat kritiku tagħha bi qbil minn qabel bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi interessati; il-KESE jaqbel dwar dan, iżda jenfasizza li hemm il-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ miżuri fil-każijiet ta’ grajjiet għal għarrieda u mhux mistennija.

1.9

Il-KESE fl-aħħar nett jinnota b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ kulleġġi tal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti mill-awtorità ta’ superviżjoni konsolidata u li minnhom jagħmlu parti l-awtoritajiet tal-pajjiżi li fihom ikollhom is-sede l-azjendi ta’ grupp partikulari. Inizjattiva bħal din ma tistax ħlief ittejjeb l-effikaċja tal-kontroll fuq il-gruppi u l-prontezza tal-adozzjoni ta’ miżuri adegwati meta tinqala’ l-ħtieġa.

2.   Daħla

2.1

Il-kriżi fis-swieq finanzjarji ġiegħlet lill-Kummissjoni tħaffef il-proċedura diġà mibdija ta’ tisħiħ u fejn meħtieġ ta’ tibdil fid-dispożizzjonijiet dwar l-istruttura tar-rekwiżiti kapitali tal-istituzzjonijiet finanzjarji, adottata fl-ambitu tal-ftehim ta’ Basle II permezz tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE. Wieħed għandu jinnota li d-diskussjonijiet dwar il-miżuri l-ġodda kienu diġà bdew meta feġġet il-kriżi; ir-riforma strutturali tas-suq għandha tiġi implimentata wara l-pubblikazzjoni ta’ White Paper maħsuba għal Ġunju 2009. Il-proposta tinkludi sensiela ta’ regoli maħsuba biex:

tiġi regolarizzata l-pożizzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li applikaw id-derogi li hemm dispożizzjoni għalihom fl-Artikolu 3 tad-Direttiva preċedenti fil-qasam tad-derogi mill-obbligi ta’ prudenza tan-netwerks bankarji, u li din il-possibilità tiġi estiża għall-Istati Membri l-oħra; id-derogi issa jinkludu netwerks bankarji b’kapital ta’ aktar minn EUR 311 biljun u b’aktar minn ħames miljun membru (kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ kreditu relatati u korpi ċentrali),

jistabbilixxu l-prinċipji u r-regoli mwaqqfa mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, prinċipalment dawk dwar strumenti ta’ kapital ibridu,

jiċċaraw il-qafas ta’ superviżjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-ħolqien ta’ kulleġġi tal-awtoritajiet superviżjorji.

2.2

Il-proposta saret wara konsultazzjoni on-line mal-partijiet interessati; it-test tfassal wara li tqieset l-informazzjoni li waslet, iżda evidentement inżammu sodi l-prinċipji bażiċi li nebbħu l-konsultazzjoni:

l-iskoperturi interbankarji mhumiex neqsin mir-riskji, u għalhekk għandhom jiġu suġġetti għal limiti,

it-titolizzazzjoni tal-krediti għandha tinvolvi ż-żamma ta’ livell ta’ riskju mill-oriġinaturi u mill-promuturi (intermedjarji) għall-iskoperturi titolizzati. Barra minn dan, għandu jkun impost ukoll l-obbligu ta’ livell verifikabbli ta’ diliġenza u rigorożità fil-mudell “originate to distribute”,

għall-banek kollha transkonfinali għandhom ikunu stabbiliti “kulleġġi” tal-awtoritajiet superviżorji, bl-obbligu li l-parteċipanti jilħqu ftehim dwar mekkaniżmu ta’ medjazzjoni permezz tal-Kumitat Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji (CEBS).

2.3

Il-KESE japprezza l-ispirtu bażiku wara dawn il-proposti u jaqbel mal-linja ġenerali tal-proposti mfassla mill-Kummissjoni: il-ġrajjiet li qed nassistu għalihom, iżda fuq kollox ċerti fatti u avvenimenti gravi, dgħajfu l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi u joħolqu l-obbligu ta’ miżuri xierqa. Madankollu huwa meħtieġ li r-regoli ta’ prudenza ma jkunux daqshekk stretti li jippenalizzaw l-opertauri u l-klijenti tagħhom meta m’hemmx bżonn. Il-kriżi wriet li r-regoli ta’ prudenza li jiżguraw l-istabbiltà u s-solidità tas-swieq jaqdu wkoll rwol soċjali importanti ħafna.

3.   l-kapital ibridu

3.1   L-istrumenti ta’ kapital ibridu (ibridi) huma titoli trasferibbli li għandhom karatteristiċi kemm tal-kapital proprju (ishma) kif ukoll tal-kapital ta’ debitu (obbligazzjonijiet); joffru rendiment ogħla komparat ma’ dawn tal-aħħar iżda ma jgawdux mid-dritt għall-vot – jew ikollhom drittijiet limitati għall-vot – fir-rigward tal-ishma.

3.1.1   Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Ewropea, l-ammissibbiltà tal-istrumenti ibridi hija suġġetta għal kriterji nazzjonali differenti: u hawn jinħolqu kundizzjonijiet inugwali u l-possibbiltà ta’ għażla tar-regoli min-naħa ta’ banek transnazzjonali. Il-Kummissjoni tastjeni milli tagħti definizzjoni preċiża tal-istrumenti ibridi, minħabba li tqis li hemm riskju li l-innovazzjoni malajr tirrendiha bla siwi jew insuffiċjenti: minflok hija tippreferi li tafferma mill-ġdid il-prinċipji bażiċi tal-ammissibbiltà tagħhom.

3.1.2   B’mod ġenerali l-istrumenti ammissibli bħala fondi proprji bażiċi (“kapital ta’ klassi 1”) huma dawk kollha li jassorbu għalkollox it-telf; f’din id-definizzjoni jitkoprew l-istrumenti ibridi, li barra mir-rekwiżiti diġà deskritti, jridu jkunu dejjem disponibbli u jkollhom aktar subordinat f’każ ta’ likwidazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet, stabbiliti diġà mill-G10 fl-1998, ma ddaħħlux fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

3.1.3   Preċiżazzjonijiet u kundizzjonijiet ulterjuri jistabbilixxu li l-ibridi ta’ kapital m’għandux ikollhom skadenza, jew għall-anqas ikollhom skadenza inizjali stabbilita li tisboq 30 sena. F’kundizzjonijiet normali huma jassorbixxu t-telf u jirrappreżentaw il-kreditu l-iktar subordinat f’każ ta’ likwidazzjoni; u b’hekk jgħinu lill-istituzzjonijiet biex jissoktaw bl-attività normali mingħajr tfixkil għar-rikapitalizzazzjoni. Il-KESE jesprimi l-qbil tiegħu mal-miżuri li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta.

3.2   Il-proposta tal-Kummissjoni tikkomprendi wkoll diversi limiti kwantitattivi għall-istrumenti ibridi, li m’għandhomx ikunu żviluppati b’mod eċċessiv bi ħsara għall-kapital azzjonarju – jew l-assi proprji fil-każ ta’ istituzzjonijiet b’bażi mhux azzjonarja. L-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu jissospendu dawn il-limiti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

3.2.1   Hemm dispożizzjonijiet partikulari li jirrigwardaw il-banek b’bażi mhux azzjonarja, fosthom il-kooperattivi: iċ-ċertifikati tal-membri, ikkwalifikati bħala “l-istrumenti ta’ grad l-aktar subordinat”, jitqiesu bħala ibridi konvertibbli bil-kundizzjoni li l-kapital tagħhom ikun imħallas kompletament.

3.3   Miżuri ġodda li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-ibridi, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, jistgħu jinfluwenzaw l-istrateġiji għall-ġejjieni tal-industrija finanzjarja; iżda tibdiliet radikali f’perjodu qasir iġibu r-riskju ta’ turbolenza fis-swieq. Il-Kummissjoni tipproponi li d-direttiva tipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 30 sena: perjodu li l-KESE jidhirlu li jkun xieraq jekk jintrabat mal-qagħda attwali u presumibbilment għat-terminu qasir-medju, iżda forsi jkun azzardat fit-terminu t-twil. Iżda ma jidhirx li jeżistu alternattivi li jistgħu jiġu adottati.

4.   L-iskoperturi l-kbar

4.1

Ir-regolamentazzjoni tal-iskoperturi l-kbar tmur lura għall-1992 u minn dak iż-żmien ’l hawn ma nbidlitx; il-ġrajjiet riċenti wrew il-ħtieġa ta’ regolamenti ġodda. Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti importanza akbar lir-riskji li għandhom ċerti skoperturi u fl-istess waqt beħsiebha tnaqqas l-ispejjeż tal-ġbir tad-data, iżżid it-trasparenza u toħloq kundizzjonijiet aktar indaqs.

4.2

Il-kunċett ta’ klijenti relatati nbidel. S’issa l-akbar attenzjoni ngħatat lir-riskju li impriża seta’ jkollha diffikultijiet minħabba problemi finanzjarji ta’ impriża oħra; il-ġrajjiet urew li żewġ impriżi jew aktar setgħu jkunu f’riskju minħabba problemi tal-azjenda li jkunu jiddependu fuqha finanzjarjament.

4.3

Ġew simplifikati u armonizzati wkoll l-obbligi informattivi li kienu ta’ spiża kbira u ta’ tfixkil għas-settur. Il-bidla l-aktar evidenti tikkonsisti fis-senjalazzjoni konsolidata tal-akbar 20 skopertura meta dawn ikunu kkalkulati skont il-metodu tal-klassifikazzjoni interna. Il-limiti differenti applikabbli ġew unifikati għal limitu ta’ 25 %.

4.4

L-għadd kbir ta’ eżenzjonijiet fis-seħħ, spiss diffiċli biex jiġu interpretati, fil-parti l-kbira tagħhom tneħħew; minnhom baqgħu fis-seħħ dawk li ma jidhrux li jikkostitwixxu riskju kbir. Il-lista iżda għadha pjuttost twila, iżda b’mod ġenerali tidher li tissodisfa kriterji ta’ prudenza evalwati sew.

4.5

Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mar-regolamentazzjoni proposta; iżda qed iwassal ċerti osservazzjonijiet dwar xi aspetti importanti:

4.5.1

L-Artikolu 111(1), imsemmi fil-punt 4.3, jipprevedi limitu uniku ta’ 25 % u li japplika wkoll għad-depożiti interbankarji. Il-ħsieb wara din ir-regola huwa ċar: istituzzjonijiet bankarji, inklużi wħud li kienu jitqiesu l-iktar stabbli, fallew ħabta u sabta. Minkejja dan, waqt li huwa dejjem tajjeb li r-regoli jissejsu fuq l-agħar xenarju possibbli, m’hemmx bżonn li mmorru sal-estrem u jintuża x-“xenarju katastrofiku”. L-impożizzjoni ta’ limitu ta’ riskju eċċessivament baxx, kif jidher li sar fil-każ tad-depożiti interbankarji, dejjem tirrestrinġi l-likwidità, u b’mod partikulari fi żminijiet ta’ tensjoni fis-suq. Jidher li jkun rakkomandabbli li din ir-regola tiġi riveduta, u jogħla l-limitu għall-krediti interbankarji fuq medda qasira ta’ żmien, partikolarment minħabba l-fatt li l-limitu ta’ 25 % ser jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu d-dati ta’ skadenza. B’mod partikulari fil-perjodu attwali, il-kreditu interbankarju fuq medda qasira ta’ żmien jista’ jaħdem bħala fattur regolatur tal-likwidità tas-suq; barra minn dan, b’mod ġenerali huwa jippreżenta element ta’ riskju iżgħar ikkomparat ma’ tipi oħra ta’ skoperturi. L-episodji riċenti li rriżultaw minn sitwazzjonijiet eċċezzjonali ma jmorrux kontra dan il-prinċipju, iżda sitwazzjonijiet eċċezzjonali jridu jiġu ndirizzati permezz ta’ miżuri eċċezzjonali, u sitwazzjonijiet normali jistħoqqilhom regoli “normali”.

4.5.2

L-Artikolu 113(4) jippermetti lill-Istati Membri l-fakultà li jagħtu eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1); il-KESE, konformi mal-linja li dejjem segwa f’każijiet simili, juri l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għal kull miżura li tista’ tkun ta’ tfixkil għall-parità fil-kompetizzjoni. Il-fakultà li tagħmel jew ma tagħmilx, minflok l-obbligu li tagħmel, twaqqaf il-proċess tal-armonizzazzjoni. Il-KESE huwa konxju ħafna, bħal kulħadd, tal-fatt li meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil ta’ opinjonijiet huwa meħtieġ approċċ prammatiku u ingħata l-konċessjoni tal-fakultà minflok l-impożizzjoni ta’ obbligi; huwa iżda jsostni li f’kull direttiva d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu proposti strettament bħala obbligu jew projbizzjoni, u mbagħad issir diskussjoni parlamentari u fil-Kunsill dwar jekk jinbidlux f’għażliet. Id-dibattiti jippermettu lill-partijiet soċjali li jgħarrfu, f’isem it-trasparenza, il-motivi favur u kontra miżuri partikolari.

4.5.3

Tkun rilevanti fir-rigward tal-imsemmija fakultà l-eżenzjoni ta’ skoperturi ta’ istituzzjoni fil-konfront tal-istituzzjoni prinċipali jew ta’ azjendi oħra tal-grupp, bil-kundizzjoni (Artikolu 80(7)(d)) li l-kontropartijiet ikunu stabbiliti fl-istess Stat Membru. Din il-limitazzjoni tagħmel ħsara lill-gruppi multinazzjonali mingħajr ma żżid is-sikurezza tas-swieq. Ir-riskji fi ħdan grupp b’ġestjoni ċentralizzata, li jidħlu għalihom entitajiet li jkunu suġġetti għal superviżjoni unika konsolidata, għandhom ikunu inklużi fl-eżenzjonijiet. Din is-soluzzjoni ssib xkiel mill-kunsiderazzjoni li l-liġijiet nazzjonali dwar il-likwidazzjoni u l-falliment jipprojbixxu t-trasferiment ta’ riżorsi minn entità għal oħra meta jseħħu sitwazzjonijiet kritiċi ta’ qabel il-falliment; l-għan tad-direttiva huwa fil-fatt dak li jkun valutat ir-riskju globali tal-grupp billi ssir astrazzjoni tal-miżuri biex wieħed jilqa’ għal sitwazzjonijiet eventwali ta’ emerġenza.

4.5.4

Soluzzjoni raġjonevoli tista’ tkun dik li l-iskoperturi jkunu eżentati fil-konfront tal-istituzzjoni prinċipali jew ta’ azjendi oħra tal-grupp residenti fi Stati Membri oħra b’awtorizzazzjoni każ b’każ, jiġifieri meta l-grupp kollu kemm hu ma jqanqalx tħassib dwar is-solidità tiegħu fil-futur immedjat. L-awtorizzazzjoni tista’ tiġi sospiża b’effett immedjat meta, fil-fehma tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, l-azjenda jew il-grupp juru sinjali ta’ diffikultà.

4.6

Jixirqilhom attenzjoni partikulari “l-iskoperturi li jirriżultaw minn faċilitajiet tal-kreditu mhux użati li fl-Anness II huma kklasifikati bħala oġġetti ta’ riskju baxx li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ” (Artikolu 113). L-għadd kumplessiv tal-limiti ta’ nfiq tal-karti ta’ kreditu huwa għoli, partikularment għal dawk it-tipi ta’ istituzzjonijiet; fil-perjodi ta’ kreditu strett il-marġni mhux utilizzata malajr tista’ tiġi limitata. Il-KESE huwa tal-fehma li l-espożizzjoni potenzjali ta’ kreditu mhux użat fuq il-karti għandha tiġi evalwata bir-reqqa u b’mod kawt.

5.   Titulizzazzjoni

5.1   L-Artikolu 122(a) ġdid jistabbilixxi li l-emittenti, l-intermedjarji u d-diriġenti għandhom jidħlu f’impenn fir-rigward tal-istituzzjoni tal-kreditu li ma tkunx involuta fil-konklużjoni tal-ftehim oriġinali li ħoloq l-obbligi taż-żamma ta’ interess ekonomiku materjali ta’ mhux inqas minn 5 %.

5.2   Jidher ċar li l-ispirazzjoni wara din ir-regola kienet l-esperjenza kerha fir-rigward tas-CDOs (obbligazzjonijiet ta’ debitu b’garanzija) Amerikani u għalhekk tidher li hija ġġustifikata. Madankollu, wieħed għandu jinnota li fil-bidu nett is-sitwazzjoni oriġinat mhux biss mill-falliment tal-emittenti iżda ħafna iktar mill-kwalità fqira tal-kreditu fuq l-ipoteka li fuqu kienu msejsa s-CDOs, li ġie deskritt minn awtorità Amerikana bħala “self tal-ipoteka li sar b’mod traskurat u regolamentazzjoni laxka”. Dan kien każ iżolat iżda wera li kellu implikazzjonijiet globali. Madankollu, il-każ tas-CDOs ma jgħoddx għal kważi t-teknika sħiħa tat-titulizzazzjoni, peress li dan huwa strument li jikkontribwixxi għal-likwidità tas-suq.

5.2.1   L-introduzzjoni tar-riskju ta’ kreditu fil-qasam tat-titulizzazzjoni tirrestrinġi l-libertà tal-istituzzjonijiet tal-kreditu. Il-KESE jitlob li l-ambitu ta’ din il-miżura jiġi studjat sew.

6.   Il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza

6.1

Il-kriżi li ħakmet is-swieq finanzjarji dinjija wriet il-ħtieġa ta’ reviżjoni tal-istrutturi u l-metodi ta’ superviżjoni, biex isiru b’mod li jipprevjenu kriżijiet sistematiċi u jippermettu reazzjonijiet f’każi ta’ emerġenza.

6.2

Ir-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ġew riveduti: iddaħħal bl-Artikolu 42(a) il-kunċett ta’ “fergħa sistematikament rilevanti”, li jirrikonoxxi, f’każi partikulari l-prevalenza tal-interess tal-pajjiż ospitanti fuq il-prinċipju tal-Istat Membru tal-oriġini. Il-KESE jesprimi l-qbil sħiħ tiegħu ma’ dan l-approċċ ta’ importanza fundamentali.

6.3

Bażikament, ir-regoli l-ġodda jipprevedu li l-awtoritajiet tal-pajjiż ospitanti jistgħu jitolbu lil dawk tal-pajjiż tal-oriġini, jew lil dawk ta’ superviżjoni konsolidata meta jkun il-każ, li l-fergħa fit-territorju tagħhom tkun iddikjarata, b’mod sistematiku, “rilevanti” jekk għandha kwota tas-suq ta’ aktar minn 2 % jew jekk għandha preżenza sinifikattiva fis-suq nazzjonali. It-talba għandu jkollha tip ta’ “valutazjoni tal-impatt” bħala previżjoni ta’ possibiltà ta’ sospensjoni jew għeluq tal-operazzjonijiet fis-sistemi tal-ħlas, l-ikklerjar u r-regolamentazzjoni, kif ukoll tal-konsegwenzi ta’ miżuri bħal dawn fuq is-suq nazzjonali.

6.4

Hemm skadenza fissa li tirregola l-proċedura skont liema fergħa titiqies “rilevanti”. Jeħtieġ li jkunu stabbiliti regoli li jkunu utli f’każijiet ta’ emerġenza vera (Artikolu 130), b’mod li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti. Il-kulleġġi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ istituzzjoni ġdida (Artikolu 131(a) – ara l-punt 6.5), u fuq kollox il-Kumitat Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji għandhom jippermettu proċeduri simplfikati bil-garanziji meħtieġa.

6.5

Partikularment utli huwa t-twaqqif (Artikolu 131(a)) tal-kulleġġi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, l-istituti tal-awtorità ta’ superviżjoni konsolidata u ta’ dawk li jagħmlu parti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati. Xogħlhom essenzjalment hu li jiggarantixxu l-kontroll kontinwu u effikaċi tal-gruppi transnazzjonali (u, wieħed jittama, l-adozzjoni ta’ miżuri immedjati f’kundizzjonijiet ta’ emerġenza) permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u tad-definizzjoni komuni tal-metodoloġiji xierqa ta’ superviżjoni. Il-KESE huwa sodisfatt b’din id-deċiżjoni u b’mod ġenerali bir-regoli proposti ta’ kontroll, b’konformità mal-programmi ta’ aktar effiċjenza mħabbra qabel u bl-awgurju tal-Forum tas-Servizzi Finanzjarji.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità

COM(2008) 640 finali – 2008/0194 (COD)

2009/C 228/11

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur BURANI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’178 vot favur, 3 voti kontra u astensjoniji waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-orjentazzjoni ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni, li qabel xejn għandha l-għan li testendi l-firxa ta’ tranżazzjonijiet koperti mir-Regolament dwar is-sistemi ta’ ħlas transkonfinali għad-debitu dirett. B’mod ġenerali, din l-inizjattiva torbot mal-politika tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tiżgura li l-ħlas transkonfinali fiż-żona tal-euro jitqies u jiġi ttrattat bl-istess mod bħall-ħlas nazzjonali.

1.2

Parti mit-tħassib ġejja mill-fatt li l-ġestjoni tad-debiti diretti transkonfinali tqum aktar minn dik tat-tranżazzjonijiet korrispondenti fil-livell nazzjonali. Għalhekk il-KESE jitlob li, għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni tagħti d-dettalji, il-metodoloġija u s-sorsi tal-istudji li kkonsultat biex waslet għall-konklużjonijiet tagħha. Biex jittieħdu deċiżjonijiet bilanċjati jeħtieġ li jkunu magħrufa l-fatti.

1.3

Ta’ min wieħed jiftakar li jekk ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009, hekk kif inhu propost, mhux ser ikun hemm wisq żmien biex jitfasslu pjanijiet ekonomiċi, li xorta waħda ma jistgħux isiru mingħajr ċertezza legali dwar it-“Tariffa Multilaterali ta’ Interskambju”.

1.4

Il-proposta fiha wkoll żewġ rekwiżiti għall-Istati Membri: l-ewwel rekwiżit huwa li joħolqu awtorità responsabbli għas-sistemi ta’ ħlas jekk din ma teżistix diġà; it-tieni, li jinħolqu strutturi tajbin għall-ġestjoni tal-ilmenti. Il-KESE jemmen li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi dawn l-istrutturi ilhom jeżistu. F’dan il-każ, huwa jwissi li m’għandhomx jinħolqu strutturi ġodda li jirduppjaw jew jirkbu fuq il-funzjonijiet li jaqdu l-istrutturi li diġà jeżistu.

1.5

Talba oħra lill-Istati Membri tikkonċerna l-adozzjoni ta’ “penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi” għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament; il-KESE jaqbel ma dan, imma jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-istudju komparattiv tal-miżuri li ttieħdu fil-pajjiżi differenti tista’ tagħti idea tal-importanza li kull Stat Membru qiegħed jagħti lir-Regolament.

1.6

Ir-Regolament jgħodd biss għall-pajjiżi li huma parti mill-unjoni monetarja; pajjiżi li huma barra ż-żona tal-euro jistgħu jagħżlu li japplikawh għall-munita tagħhom. Il-fatt li l-ebda pajjiż ma għamel użu minn din il-possibbiltà għandu jqajjem tħassib dwar kemm hemm interess fl-utilità ta’ dawn l-inizjattivi min-naħa tal-pajjiżi differenti.

2.   Daħla

2.1

Ir-Regolament (KE) Nru. 2560/2001 dwar is-sistemi ta’ ħlas transkonfinali fil-Komunità ilu fis-seħħ mill-31 ta’ Diċembru 2001. Dan jistipula li l-ispiża ta’ ħlas tarnskonfinali f’kull Stat Membru hija l-istess bħal ħlas korrispondenti intern. Ir-Regolament japplika għat-trasferimenti ta’ kreditu, u ħlasijiet elettroniċi, kull tip ta’ ħlas bil-kard u ġbid ta’ kontanti minn magni awtomatiċi (ATM). Mill-1 ta’ Novembru 2009, il-proposta tal-Kummissjoni ser testendi l-ambitu tar-Regolament biex jinkludi d-debiti diretti u ser ittejjeb is-sistema ta’ kif jintlaqgħu l-ilmenti u tissemplifika s-sistemi ta’ rappurtar statistiku.

2.2

L-għan tal-Kummissjoni huwa li ttejjeb it-tħaddim ta’ suq intern f’dawk tas- sistemi ta’ ħlas bl-euro, sabiex tiżgura li t-tranżazzjonijiet domestiċi u internazzjonali jkunu soġġetti għall-istess regoli, b’iffrankar u benefiċċji kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-ekonomija b’mod ġenerali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-ġestjoni tat-tilwim, sabiex jiġu indirizzati l-punti li jqajmu l-għaqdiet tal-konsumaturi. Ir-rappurtar statistiku huwa piż amministrattiv kbir u joħloq spejjeż kbar għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

2.3

Il-KESE jinsab sodisfatt bl-inizjattiva tal-Kummissjoni u jaqbel mal-idea ġenerali tagħha. Fl-istess ħin jixtieq jagħti s-sehem tiegħu għad-diskussjoni permezz ta’ xi kummenti u suġġerimenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Bi tweġiba għall-pressjoni li għamlet il-Kummissjoni matul is-snin, is-settur bankarju ħoloq infrastruttura għaż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-euro (SEPA), li issa qed taħdem tajjeb, kemm mil-lat tekniku kif ukoll ta’ organizzazzjoni u kemm billi ġġib l-imposti fuq ħlasijiet internazzjonali u fuq dawk nazzjonali fuq l-istess livell. Il-Kummissjoni tgħid li “dan ir-Regolament jista’ għalhekk jitqies bħala l-bidu tas-SEPA.”

3.2

Dak li nkiseb s’issa huwa ferm pożittiv; madankollu għad hemm tħassib bażiku dwar kemm jikkonforma mal-prinċipji ġenerali tas-suq uniku. L-ewwel nett, l-għan ewlieni tas-SEPA huwa li tissolva l-kwistjoni tal-pagamenti bl-euro; il-pajjiżi li mhumiex parti miż-żona tal-euro mhu ser jiksbu l-ebda benefiċċju ħlief fil-każ ta’ ħlas li jsir bil-munita unika. Wara t-tkabbir, nistgħu ngħidu li llum is-SEPA tkopri l-biċċa l-kbira tal-movimenti intra-Komunitarji: bħala parti minn suq intern b’rati differenti.

3.3

It-tieni nett, il-parità tal-kundizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tgħodd biss fi ħdan kull pajjiż individwali; id-differenzi bejn pajjiż u ieħor jibqgħu hemm u f’bosta każijiet huma konsiderevoli. Iżda d-differenzi bejn il-pajjiżi fiż-żona tal-euro b’mod ġenerali u dawk barra huma saħansitra ikbar. Ir-Regolament li qiegħed fis-seħħ bħalissa jistipula li din il-possibbiltà tista’ tiġi adottata b’mod volontarju mill-pajjiżi barra miż-żona tal-euro wkoll, iżda ftit huma dawk li ħadu din l-opportunità. Ir-riżultat globali huwa li għad fadlilna ħafna x’naqdfu biex naslu għal konverġenza raġonevoli tal-prezzijiet fl-UE.

3.4

Nistgħu nitkellmu dwar il-konverġenza tal-prezzijiet iżda dan ma jfissirx li l-għan huwa dak ta’ uniformità. Madankollu, kieku kull pajjiż kellu jagħmel eżami għaqli ta’ tqabbil tal-ispejjeż, ikun jista’ jittieħed pass ’il quddiem f’dik li hija trasparenza u bħala tweġiba għall-istennijiet tal-konsumaturi: jeżistu differenzi kbar fl-ispejjeż tal-infrastruttura, it-taxxi u l-imposti soċjali, l-ispejjeż ta’ organizzazzjoni u l-piż relattiv bejn ċifri nazzjonali u internazzjonali. Analiżi ta’ dan it-tip għandha mnejn tagħti indikazzjonijiet siewja dwar kemm hija għaqlija d-deċiżjoni li jiġu inklużi fir-Regolament l-istrumenti transkonfinali kollha ta’ ħlas elettroniku.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Artikolu 1(3) jeskludi mir-Regolament il-ħlasijiet imwettqa mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għall-kont tagħhom stess. Għandhom jiġu esklużi wkoll is-servizzi mogħtija lil fornituri oħra tas-servizzi tal-ħlas. Il-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet iridu jinftiehmu b’dan il-mod. F’dan il-każ, il-KESE jissuġġerixxi li l-kliem għandu jitpoġġa b’mod aktar ċar, u jemmen li ma jkunx jagħmel sens li l-libertà li jingħataw servizzi direttament bejn il-professjonisti ma tiġix estiża għal professjonisti oħra li jużaw servizzi intermedjarji daqstant professjonali.

4.2   Artikolu 2(1) jispeċifika li r-Regolament jirreferi esklużivament għal mezzi elettroniċi ta’ ħlas: b’hekk strumenti tal-ħlas stampati bħal ċekkijiet u abbozzi huma esklużi. Il-KESE jaqbel ma’ dan, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-differenzi fil-kummissjonijiet applikati fil-pajjiżi differenti għal dawn il-metodi ta’ pagamenti, li llum dejjem qed jonqsu, huma kbar wisq biex jiġu ġġustifikati sempliċiment fuq il-bażi ta’ spejjeż. F’xi pajjiżi, pereżempju, wieħed jista’ jaħseb li l-imposti għoljin huma mfassla mhux biss biex ikopru l-ispejjeż, iżda wkoll biex in-nies ma jibqgħux jużaw mezzi ta’ ħlas stampati fl-era elettronika: miżura li għandha l-appoġġ tal-KESE.

4.2.1   Artikoli 2 għandu jinkludi paragrafu li jiċċara l-kunċett tal-“ħlas elettroniku” msemmi f’punt 1. Meta titqies l-ispiża ta’ tekniki mħallta u b’konformità mal-prattika stabbilita, il-paragrafu l-ġdid għandu jgħid b’mod espliċitu li l-ħlas elettroniku m’għandux jinvolvi proċeduri stampati.

4.3   Artikolu 1(2) jintroduċi innovazzjoni: l-applikazzjoni tar-Regolament għall-ħlasijiet transkonfinali ta’ mhux aktar minn EUR 50 000 ser tinkludi l-istrumenti kollha ta’ ħlas elettroniku, fosthom id-debiti diretti. Il-KESE għandu xi riżervi dwar dan l-aħħar strument.

4.3.1   Is-sistema SEPA għad-debiti diretti hija differenti mis-sistemi nazzjonali individwali u hija aktar kumplessa u sofistikata. Jekk il-prezz tad-debiti diretti internazzjonali jinġieb fuq l-istess livell tal-prezzijiet nazzjonali jista’ jiddgħajjef il-prinċipju li skontu prodott jew servizz ma jistax jinbiegħ bi prezz inqas minn kemm qam. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu spiss joffru s-sistema ta’ kreditu dirett, użata minn kumpaniji iżda mhux minn konsumaturi individwali, lill-klijenti tagħhom b’rati favorevoli għal raġunijiet promozzjonali. Il-kundizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet nazzjonali huma kkalkulati biex ikopru l-ispejjeż b’marġni baxxi iżda ma jistgħux jiġu estiżi għat-tranżazzjonijiet internazzjonali li huma aktar għaljin. Il-KESE jissuġġerixxi li d-debiti diretti jiġu esklużi temporanjament mir-Regolament, bil-possibbiltà li jiġu introdotti jekk rapport espert indipendenti juri li ma joħolqu l-ebda periklu ta’ distorsjoni tal-prezzijiet u l-kompetizzjoni.

4.3.2   B’konformità mal-prinċipju bażiku tat-trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippublika l-istħarriġ tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjez nazzjonali u internazzjonali, u tindika b’mod ċar kif, minn liema sorsi u b’liema metodoloġiji nġabret u ġiet ipproċessata din l-informazzjoni. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, huwa diffiċli li tittieħed pożizzjoni li ma tidhirx ibbażata fuq prekonċetti u żbilanċjata.

4.3.3   Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li r-Regolament il-ġdid għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009: skadenza li għandha mnejn tkun qasira wisq biex jitfasslu pjanijiet fuq perjodu ta’ żmien medju u twil. Iċ-ċertezza legali dwar l-MIF (it-Tariffa Multilaterali ta’ Interskambju) hija fundamentali għat-tħejjija ta’ dawn il-pjanijiet.

4.4   Artikolu 3 jikkonferma l-prinċipju stabbilit mir-Regolament fis-seħħ bħalissa: l-imposti fuq ħlasijiet transkonfinali għandhom ikunu daqs l-imposti mitluba minn kull fornitur għal servizz tal-ħlas domestiku korrispondenti. Jidher li r-regola stabbilita fl-2001 ġiet imħarsa b’mod sodisfaċenti, iżda stħarriġ fil-qasam juri li f’ħafna pajjiżi teżisti differenza kbira bejn l-imposti fuq il-ħlas bl-euro u dawk fuq ħlasijiet b’muniti oħra: din hija diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini li jgħixu barra miż-żona tal-euro.

4.5   Artikolu 5 jintroduċi innovazzjoni importanti: ineħħi l-obbligu tar-rappurtar tal-bilanċ tal-ħlasijiet sal-ammont ta’ EUR 50 000 mill-1 ta’ Jannar 2010 ’il quddiem u ta’ kull ammont mill-1 ta’ Jannar 2012. Dan ir-rekwiżit, maħsub biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa għall-kontabilità tal-bilanċ tal-ħlasijiet, kien sors ta’ konfużjoni u spejjeż kbar. L-Istati Membri ser ikunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni permezz ta’ sistemi oħrajn. Il-KESE japprova din id-dispożizzjoni bis-sħiħ.

4.6   Artikolu 6 jistipula li l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament: rekwiżit li diġà jeżisti u li jidher li jitħares. Ferm aktar importanti hija r-regola msemmija f’Artikolu 7, li tistipula li l-Istati Membri jridu joħolqu proċeduri għall-ġestjoni tal-ilmenti u t-tilwim barra mill-qorti, u jagħtu informazzjoni xierqa lill-pubbliku. Dan ix-xogħol jista’ jsir minn korpi ad hoc ġodda jew minn korpi eżistenti. Il-KESE jaqbel ma’ dan, iżda biss fil-każ ta’ pajjiżi fejn dawn l-istrutturi għadhom ma jeżistux, u jwissi kontra l-periklu li jinħolqu strutturi ġodda b’responsabbiltajiet li jirkbu dawk ta’ strutturi eżistenti. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, hu x’inhu l-każ, ftit huwa magħruf dwar it-tħaddim ta’ dawn il-korpi, u fuq kollox, dwar in-numru, in-natura u r-riżultat tal-każijiet ittrattati. In-nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa u trasparenti tfixkel l-istudju serju tan-natura u l-għadd reali ta’ nuqqasijiet.

4.7   Artikolu 10 jistipula li l-Istati Membri jridu jadottaw penalitajiet “effettivi, proporzjonati u dissważivi” għal dawk li jiksru r-Regolament, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet. Anke f’dan il-każ, bħal f’dak tal-punt ta’ qabel, l-atturi interessati jridu jirċievu l-informazzjoni xierqa, jekk xejn biex jivvalutaw l-importanza li kull Stat Membru jagħti lill-ħarsien tar-Regolament.

4.8   Artikolu 11 jestendi l-possibbiltà għall-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li japplikaw ir-Regolament għall-munita tagħhom. Dan itemm l-inkonvenjenzi u d-diskriminazzjonijiet li l-KESE semma f’punt 4.6. Madankollu, jidher xorta waħda li r-reazzjoni ta’ bosta Stati Membri għal din il-proposta hija waħda kemxejn bierda, biex ma ngħidux ineżistenti. Il-KESE jippreferi ma jikkummentax dwar dan, iżda jitlob lill-Kummissjoni tanalizza sewwa l-popolarità ta’ ċerti soluzzjonijiet.

4.9   Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2009. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar it-tħaddim tal-kodiċi tal-IBAN u l-BIC mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012 u rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. Il-KESE ma għandu l-ebda kummenti dwar dan, ħlief li jtenni t-talbiet li ressaq f’punti 4.6 u 4.7 dwar l-għoti ta’ informazzjoni aktar sħiħa lill-partijiet interessati.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

COM(2008) 814 finali. – 2008/0230 (COD)

2009/C 228/12

Nhar il-21 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 169 u 172 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni mill-Komunità fi programm Ewropew ta’ riċerka u żvilupp dwar il-metroloġija mwettaq minn diversi Stati Membri

Nhar it-13 ta’ Jannar 2009 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur PEZZINI bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat iqis li l-objettivi tal-proposta huma ta’ importanza fundamentali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li ssegwi sistema ta’ kejl komuni li tmur lil hinn mir-riċerka u s-suċċessi nazzjonali biex tikseb valur miżjud Ewropew, ħaġa li kulħadd jaqbel magħha.

1.2

Fl-opinjoni tal-KESE irridu naslu fil-punt fejn nilħqu pożizzjoni waħda fil-livell dinji, u fi ħdanha, il-leħen tal-UE ma jkunx sekondarju iżda wieħed li jippromovi livelli li huma mmirati lejn il-materjali, il-prodotti u l-proċessi żviluppati fl-Ewropa u li jikkorrispondu għall-interessi industrijali u kummerċjali tal-UE.

1.3

Fil-fehma tal-Kumitat, f’kuntest ekonomiku u soċjali li issa sar globalizzat, struttura ta’ metroloġija Ewropea li tilħaq livell ta’ eċċellenza jista’ jkollha biss effetti pożittivi fuq l-ekonomija tal-UE.

1.4

Il-KESE jqis li l-komunità tar-riċerkaturi Ewropej trid tieħu sehem dejjem aktar fl-iżvilupp ta’ sistemi moderni, biex il-metroloġija tkun tista’ tiġi applikata fl-oqsma l-ġodda tal-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija, l-istudju tal-ambjent, l-impatt fuq l-ekoloġija, in-nanoteknoloġija, l-ikel, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet tax-xogħol.

1.5

Skont il-Kumitat, biex jintlaħqu s-suċċessi mixtieqa jidher li hemm bżonn li b’mod determinat infittxu li jkun hemm integrazzjoni ikbar tal-industrija, il-kummerċ u s-settur pubbliku, fl-iżvilupp tar-riċerka tal-metroloġija fl-Ewropa skont kif jindikaw l-istandards il-ġodda tal-fora internazzjonali.

1.6

Fil-fehma tal-KESE huwa importanti ferm li d-dinja tar-riċerka dwar il-metroloġija ma tidhirx bħala dinja maqtugħa għaliha jew li tħares biss ‘il ġewwa.

1.7

Ir-regolamenti u l-livelli jiġu kkomunikati permezz ta’ sistemi ta’ kejl li huma bbażati fuq il-metroloġija applikata, li dwarha hemm qbil fil-livell internazzjonali. Għaldaqstant il-KESE jissuġġerixxi li mill-bidu nett il-korpi dwar l-Istandards Ewropej (CEN, CENELEC, ETSI), il-korpi nazzjonali, u l-korpi ta’ akkreditazzjoni jipparteċipaw fit-tfassil tal-iskemi l-ġodda.

1.8

Il-KESE jqis li hemm bżonn li jsir dak kollu li huwa possibbli biex naslu għal integrazzjoni mill-qrib fir-riċerka dwar il-metroloġija Ewropea bejn:

id-dinja tar-riċerka,

l-industrija,

l-universitajiet, l-istituti xjentifiċi u tal-edukazzjoni ogħla,

ir-riżultati tal-pjattaformi teknoloġiċi,

is-soċjetà ċivili organizzata,

dan għaliex, skont il-Kumitat, huwa biss b’dan il-mod, li jeskludi kull forma ta’ għeluq, li nistgħu niksbu riżultati fil-livell Ewropew li jistgħu jiġu aċċettati fil-livell internazzjonali.

1.9

Il-Kumitat jagħraf il-mertu tal-proposti tal-Kummissjoni li huma maħsuba biex jappoġġjaw l-inizjattiva tal-EMRP (1) (Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar il-Metroloġija), permezz ta’ livell għoli ta’ “komunitarizzazzjoni” f’termini ta’:

programmar konġunt, u l-aċċettazzjoni tar-regoli komunitarji għall-parteċipazzjoni, stabbiliti fis-7 Programm Qafas;

livell ta’ allokazzjoni stmata tar-riżorsi, lil hinn mil-loġika pura tal-miżuri nazzjonali.

1.10

Skont il-Kumitat, is-sistema ta’ gvernanza trid tiġi definita aħjar. Jidher ċar li sistema inċerta ta’ gvernanza tista’ tinfluwenza l-iżvilupp tar-riċerka u r-riżultati mixtieqa.

1.11

Il-KESE jfakkar, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-atturi interessati li huma milquta direttament għandhom jipparteċipaw fir-riżultati metroloġiċi tar-riċerka, kemm fil-prijoritajiet, kif ukoll fit-tfassil u l-valutazzjoni tas-sejħiet – li għandhom jiġu ppublikati fuq CORDIS u l-Ġurnal Uffiċjali – għal proposti li jintegraw il-parteċipazzjoni tal-intrapriżi, l-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka u tal-formazzjoni, kemm fil-monitoraġġ kif ukoll fil-kontroll tal-programmi u l-proġetti ffinanzjati.

1.12

Fil-fehma tal-KESE, tkun ħaġa xierqa li l-Kunsill Xjentifiku tar-Riċerka tal-EMRP jkollu l-opportunità li jikkontrolla, permezz ta’ opinjonijiet vinkolanti indirizzati lill-Kumitat tal-EMRP, it-tip ta’ riċerka li għandha tiġi ffinanzjata, il-programm annwali tax-xogħol, u l-għażla tal-grupp indipendenti għall-valutazzjoni tal-proposti, u li osservatur tal-Kummissjoni jsegwi l-panels ta’ valutazzjoni, kif jiġri fl-FP7.

1.13

Fil-fehma tal-KESE, għandu jiġi previst programm Komunitarju ġenwin u dejjiemi, ikkoordinat u mmexxi mill-Kummissjoni fil-proposti tat-tħejjija tal-Programm Qafas li jmiss għall-Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTŻ) 2014–2020. Dan għandu jkun ibbażat fuq proċess kontinwu ta’ parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u jqis fuq kollox il-ħtiġijiet tad-dinja tal-industrija, l-universitajiet, ir-riċerka, l-istandardizzazzjoni, barra mill-aspetti internazzjonali tar-riċerka metroloġika, speċjalment fir-rapporti mal-korpi internazzjonali fosthom l-ISO, l-OECD u korpi oħra ta’ riferiment bħall-IUAP (2).

2.   Daħla

2.1   Il-globalizzazzjoni dejjem tikber tal-produzzjoni industrijali, il-provvista tas-servizzi u l-kummerċ jitolbu li x-xkiel tekniku għall-kummerċ jitnaqqas kemm jista’ jkun. Wara dan il-proċess hemm sistema ta’ kejl affidabbli u li hemm qbil dwarha.

2.2   Numru dejjem jiżdied ta’ regolamenti, l-iktar f’oqsma bħal:

is-sigurtà,

it-tikketti tal-ikel,

is-sistemi tas-saħħa,

l-ambjent,

il-bijoteknoloġija,

in-nanoteknoloġija u l-materjali avvanzati,

l-enerġija,

it-trasport u t-telekomunikazzjoni kif ukoll is-sistemi ta’ sigurtà

jeħtieġu li jkunu rintraċċabbli u paragunabbli, b’mod li jingħaraf fil-livell internazzjonali.

2.3   Ir-riċerka metroloġika għandha natura qawwija ta’ “ġid pubbliku”, u hija waħda mill-attivitajiet ewlenin ta’ appoġġ għar-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni.

2.3.1   L-infrastrutturi Ewropej tal-kejl huma appoġġjati minn organizzazzjonijiet Ewropej bħall-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), in-netwerk Ewropew tal-metroloġija EROMET (il-Kollaborazzjoni Ewropea fl-Istandards tal-Kejl) (3) issa mdaħħal fil-EURAMET (L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija), u l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) f’Geel, flimkien mal-Bureau Internazzjonali tal-Piżijiet u Kejl (BIMP).

2.4   Skont il-BIPM, “L-iżvilupp ta’ kampijiet interdixxiplinari bħan-nanoteknoloġija, il-materjali avvanzati u l-proprjetà tal-materjali dalwaqt ser jeħtieġ numru ta’ regolamenti, għall-miżuri ġodda ta’ riferiment, fis-settur tal-fiżika u tal-kimika.” (4)

2.5   Fl-Ewropa, il-kompetittività u l-innovazzjoni sostenibbli jeħtieġu, fl-oqsma kollha, miżuri u provi preċiżi, b’riżultati li jistgħu jiġu rintraċċati, biex jiġu stabbiliti regoli dejjiema dwar il-kejl ta’ riferiment, kif inhuma definiti mis-Sistema internazzjonali tal-unitajiet: SI.

2.6   Ir-riċerka Ewropea dwar il-metroloġija hija sostnuta mill-programmi nazzjonali ta’ riċerka metroloġika u mill-proġetti fil-qafas tal-ERA-NET, stipulati fis-Sitt programm ta’ qafas; u tal-ERA-NET-Plus li hemm fis-Seba’ Programm Qafas. F’dawn il-programmi ta’ qafas żviluppaw ukoll il-proġetti IMERA (Implementing Metrology in the European Research Area  (5)) iMERA Plus (6), li kien l-ewwel fażi tal-EMRP; l-attivitajiet taċ-Ċentru komuni tar-riċerka ĊKR (Ċentru Konġunt tar-Riċerka) (7) u l-proposta attwali tal-EMRP “għal ġeometrija varjabbli”.

2.7   Fl-Istati Uniti, għas-sena fiskali 2009 ġiet approprjata iċ-ċifra ta’ 634 miljun dollaru Amerikan għall-fondi federali għall-programmi ta’ riċerka mill-Istitut nazzjonali tal-istandards u t-teknoloġija (NIST, National Institute of Standards and Technology).

2.8   F’dan ix-xenarju, il-Kumitat iqis li huwa importanti li jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għar-riċerka metroloġika Ewropea, billi jingħaqdu l-kapaċitajiet ta’ riċerka li hemm fl-Istati Membri u dawk taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, biex tinħoloq massa kritika rilevanti fil-livell internazzjonali, filwaqt li jiġi evitat xogħol doppju u ħela ta’ riżorsi, b’riżultati li jkunu bil-wisq aktar superjuri għal dawk li jistgħu jintlaħqu bil-koordinament tal-ERA-NET-Plus, tas-FP 7 2007–2013.

2.9   Il-Kumitat isostni li, minħabba fir-rilevanza tar-riċerka metroloġika fil-futur qarib, kif jidher minn diversi studji (8), ikun xieraq li dawn ir-riċerki jidħlu fost il-prijoritajiet tematiċi tal-Programm Qafas li jmiss għall-2014–2020, u b’hekk jingħataw status u struttura ta’ riċerka Komunitarja permanenti u tingħata garanzija ta’ integrazzjoni koordinata u kontinwa tal-isforzi nazzjonali.

3.   Il-programm propostskont Artikolu 169

3.1

Il-proposta bbażata fuq Artikolu 169 għandha l-ħsieb li twaqqaf programm Ewropew tar-riċerka metroloġika (EMRP) li jinvolvi u jiġbor flimkien 22 programm nazzjonali, bil-għan li titjieb l-effiċjenza u l-effettività tar-riċerka metroloġika pubblika.

3.2

Fost l-objettivi indikattivi hemm dak li jagħti kontribut lill-istabbiliment ta’ żona Ewropea tar-riċerka permezz ta’ koordinament akbar tal-programmi nazzjonali, biex xi wħud mill-isfidi komuni Ewropej jiġu ffaċċjati aħjar, bl-eliminazzjoni tal-ostakli bejn il-programmi nazzjonali.

3.3

Skont il-Kummissjoni, l-EMRP għandha l-għan li tintegra il-programmi nazzjonali ta’ 22 Stat billi tgħaqqadhom fi programm wieħed li:

jappoġġja l-objettivi tas-sistemi ta’ kejl Ewropej, b’mod partikolari,

iħaffef l-iżvilupp, il-verifika u l-użu ta’ tekniċi ġodda tal-kejl,

jappoġġja l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ direttivi u regolamenti.

3.4

Il-mudell ta’ gvernanza propost huwa bbażat fuq l-esperjenza li nkisbet, bl-ewwel inizjattiva fl-ambitu tal-artikolu 169 tat-Trattat, li tnediet fis-sitt programm ta’ qafas, jiġifieri l-inizjattiva EDCTP (9).

3.5

L-inizjattiva EMRP tipprevedi fond ta’ 400 miljun Euro, li 200 miljun minnhom huma l-kontribut tal-pajjiżi parteċipanti għall-perjodu 2009–2016, u 200 miljun oħra huma previsti bħala kontribut Komunitarju.

3.6

Il-koordinament tal-inizjattiva jinsab f’idejn l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija (EURAMET), imwaqqfa fl-2007 skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u magħrufa bħala assoċjazzjoni mingħajr profitt, is-segretarjat qiegħed f’Braunschweig, fis-Sassonja t’isfel u taħdem bħala organizzazzjoni metroloġika regjonali Ewropea u Agenzija Eżekuttiva tal-EMRP.

4.   Kummenti tal-Kumitat

4.1   Il-Kumitat japprova l-objettivi ewlenin tal-proposta, jappoġġja l-metodi li fiha u jfakkar li huwa importanti li l-objettivi jintlaħqu:

fl-eċċellenza tal-istruttura metroloġika,

fi proġetti ta’ riċerka, komuni, kompetittivi u miftuħa,

b’aktar parteċipazzjoni mill-komunità tar-riċerkaturi, permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet,

f’kooperazzjoni tassew internazzjonali, li tagħti valur lis-sistema Ewropea,

b’leħen wieħed fuq livell dinji,

fuq kollox f’involviment ikbar tal-industrija (assoċjazzjonijiet tal-intraprendituri u tal-ħaddiema) tal-kummerċ u tas-settur pubbliku, fl-iżvilupp tar-riċerka metroloġika Ewropea.

4.2   Fil-fehma tal-KESE, hija ħaġa fundamentalment importanti li d-dinja tar-riċerka metroloġika ma tidhirx bħala maqtugħa għal rasha, iżda li tkun kapaċi li tiġbed il-parteċipazzjoni tal-utenti fid-deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-programm, is-sistema tal-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti, fil-parteċipazzjoni għall-proposti u l-monitoraġġ tar-riżultati tal-proġetti, u dan b’kooperazzjoni mill-qrib tal-organiżmi ta’ standardizzazzjoni u ta’ akkreditament. Il-KESE huwa kontra kull forma ta’ għeluq (“closed shop”).

4.2.1   B’mod partikolari, il-KESE jemmen li ir-regolamenti ta’ parteċipazzjoni tal-EMRP jridu jirrispettaw kompletament, fl-aspetti kollha tiegħu, ir-regolament (KE) Nru 1906/2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni għas-Seba’ Programm Qafas u r-Regolament finanzjarju tal-implimentazzjoni tiegħu.

4.2.2   Ir-regoli ta’ parteċipazzjoni għall-EMRP jridu joffru qafas koerenti u trasparenti, biex jiggarantixxu l-iktar implimentazzjoni effettiva possibbli, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-aċċess irid ikun faċli għall-parteċipanti kollha permezz ta’ proċedura ssemplifikata. Dawn ir-regoli jridu jiffaċilitaw l-użu tal-proprjetà intellettwali żviluppata minn kull parteċipant, filwaqt li fl-istess ħin iħarsu l-interessi leġittimi tal-parteċipanti l-oħra u tal-Komunità.

4.2.3   Il-KESE jenfasizza li t-tnedija ta’ sistema integrata ta’ riċerka metroloġika Ewropea, fi programm konġunt tal-korpi nazzjonali parteċipanti, ma tagħtix riżultati sodisfaċenti jekk ma tipprevedix integrazzjoni stretta bejn id-dinja tar-riċerka, l-industrija, l-universitàjiet u l-korpi ta’ standardizzazzjoni u ta’ akkreditament, barra minn djalogu strutturat mal-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej (10) u mas-soċjetà ċivili organizzata.

4.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE jagħti l-possibbiltà lill-Komunità li tipparteċipa fi programmi ta’ riċerka, li jinbdew b’mod konġunt minn iktar minn Stat Membru wieħed, bil-kundizzjoni li l-objettivi jkunu ċari u rilevanti għall-Komunità u l-Programm Qafas, ikollhom valur miżjud Ewropew u massa kritika rilevanti, u li l-programm tal-attivitajiet u l-istruttura ta’ gvernanza u tal-implimentazzjoni jkunu ċari.

4.4   Fil-fehma tal-KESE, l-objettivi jridu jkunu definiti aħjar, mhux biss f’termini ta’ appoġġ għas-sistemi nazzjonali tal-kejl, tisħiħ tan-netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija u l-Istituti Denominati, u tal-integrazzjoni tal-attività nazzjonali li tkun għaddejja.

4.5   Fl-opinjoni tal-KESE, jonqos indikazzjoni ċara tal-prijoritajiet tal-azzjoni u tar-riżultati mistennija, li jagħtu prova sħiħa ta’:

il-valur miżjud Ewropew tal-proposta,

definizzjoni ċara u kompluta tal-programm konġunt tal-attivitajiet integrati,

struttura ta’ gvernanza.

4.6   Bl-istess mod il-KESE jiġbed l-attenzjoni għad-definizjoni ta’ boroż ta’ eċċellenza, maħsuba għal riċerkaturi jew organizzazzjonijiet, Istituti Nazzjonali tal-Metroloġija jew Istituti Denominati.

4.7   F’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ gvernanza proposta, din trid tiġi definita aħjar. Barra milli jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li apparti mill-EURAMET, fil-livell Ewropew hemm ukoll assoċjazzjonijiet oħra bħal pereżempju l-EURACHEM (11), il-Kumitat jenfasizza li l-EURAMET ġiet indikata bħala struttura speċifika għall-implimentazzjoni tal-EMRP, il-parti l-kbira tal-istess programm għandha titmexxa mill-National Physical Laboratory, b’hekk b’kap tal-programm Ingliż, “bħala soluzzjoni temporanja”.

4.8   Fl-aħħar il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li la fil-liġi proposta u lanqas fl-annessi ma hemm prevista l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet direttament interessati mir-riżultati tar-riċerka metroloġika: l-industrija b’mod kumplessiv, il-kummerċ, il-korpi tal-istandardizzazzjoni u l-akkreditament kif ukoll is-settur pubbliku.

4.9   Bħala konklużjoni, il-KESE jqis li jkun aħjar jekk nersqu lejn proġett pilota ta’ riċerka metroloġika Ewropea li jdum sal-2013, fuq il-mudell tal-iMera Plus, kif ukoll li, fil-proposti għat-tħejjija għat-Tmien Programm Qafas tal-RTŻ 2014-2020, tiġi studjata l-possibbiltà li jinħoloq programm tassew Komunitarju u dejjiemi, b’mekkaniżmi aktar ċari u ppruvati. Dan il-programm, immexxi mill-Kummissjoni għall-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati, għandu jipprevedi kumitat ta’ ġestjoni u kumitat konsultattiv, u jippermetti proċess b’saħħtu ta’ konsultazzjoni, direzzjoni u monitoraġġ min-naħa tal-partijiet interessati, l-ewwel nett, għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-industrija.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Il-Kumitat jagħraf il-mertu tal-proposta tal-Kummissjoni li tappoġġja l-inizjattiva EMRP (12) b’mod li jkun hemm livell għoli ta’ “komunitarizzazzjoni” fl-ipprogrammar konġunt, l-allokazzjoni skont stima tar-riżorsi, il-loġika ta’ tagħlim reċiproku u r-regoli ta’ parteċipazzjoni tal-intrapriżi, l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka, kif ukoll fil-valutazzjoni tal-proposti li fihom għandu jipparteċipa osservatur tal-Kummissjoni kif jiġri fl-FP7.

5.2

Dwar il-gvernanza proposta għall-EMRP, fost l-oħrajn, il-KESE jinnota li:

a)

Il-Kumitat tal-EMRP, magħmul biss mir-rappreżentanti tal-Korpi nazzjonali tal-metroloġija u bl-Istitut IRMM (13) bħala osservatur biss, huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Programm u b’mod partikolari ta’:

deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp u l-aġġornament tal-EMRP;

il-ħolqien u l-interruzzjoni tal-kumitati meħtieġa għas-sottoprogrammi;

il-preparazzjoni u d-deċiżjoni tal-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-EMRP, fosthom il-kriterji tal-għażla tal-assessuri;

l-approvazzjoni tal-kompożizzjoni tal-pool tal-assessuri;

id-deċiżjoni dwar l-iffinanzjar tal-programmi u l-proġetti tar-riċerka, fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet tal-iffinanzjar, sakemm il-EURAMET ikun awtorizzat mill-Kummissjoni Ewropea;

l-approvazzjoni tal-parti tal-baġit tal-EMRP, għas-sena finanzjarja li jmiss;

it-tħejjija u x-xandir tas-sejħa għat-turija tal-interess u għall-proposti dwar l-EMRP;

is-superviżjoni ta’ kontabbiltà xierqa u ordnata tal-ħidma tas-segretarjat tal-EMRP;

il-monitoraġġ u l-kontroll tal-progress tal-programmi u tal-proġetti finanzjati u tad-deċiżjonijiet dwar il-miżuri korrettivi (14).

b)

Il-Kunsill tar-Riċerka tal-EMRP huwa magħmul minn 16-il membru fosthom:

1 għall-BIPM,

1 għall-Kummissjoni Ewropea,

1 għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka,

1 għall-Parlament Ewropew,

1 għall-EUROLAB,

1 għall-Korpi ta’ Standardizzazzjoni Ewropej,

1 għall-organizzazzjoni Ewropea tal-kooperazzjoni fil-metroloġija legali WELMEC (15),

9 għall-industrija, ir-riċerka u l-akkademja,

huwa purament konsultattiv dwar l-aspetti strateġiċi tal-EMRP u dwar il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-Programmi ffinalizzati  (16).

5.3

Il-KESE jfakkar, f’dan ir-rigward, fil-ħtieġa tal-parteċipazzjoni, b’opinjoni li torbot, tal-Kunsill tar-Riċerka EMRP, li jkun responsabbli li jikkollabora mal-Kumitat tal-EMRP mhux b’mod sekondarju, speċjalment f’dak li jirrigwarda: l-iżvilupp u l-aġġornament tal-EMRP, il-kumitati tas-sottoprogrammi u l-proġetti tar-riċerka, it-tħejjija u x-xandir tas-sejħiet għat-turija ta’ interess u għall-proposti li għandhom jiġu ppublikati fuq CORDIS u l-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-progress tal-programmi u tal-proġetti ffinanzjati.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara per eżempju l-Artikolu 169 tat-Trattat.

(2)  International Union of Pure and Applied Physic. (Unjoni Internazzjonali tal-Fiżika Pura u Applikata).

(3)  Magħmula mill-Istituti ta’ metroloġija ta’ 32 pajjiż u mill-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) f’Geel, taċ-Ċentru Komuni tar-Riċerka tal-KE.

(4)  BIPM. Évolution des besoins dans le domaine de la métrologie pour le commerce, l’industrie et la société et le rôle du BIPM (“L-evoluzjoni tal-bżonnijiet fis-settur tal-metrologija f’dak li jirrigwarda l-Kummerċ, l-industrija u s-socjetà, kif ukoll ir-rwol tal-BIPM”), rapport 2007. Pariġi, 2008.

(5)  Il-proġett IMERA jgħaqqad 20 imsieħeb f’14-il pajjiż, barra mill-proġett IRMM tas-ĊKR-KE.

(6)  Il-proġett IMERA Plus jgħaqqad 45 imsieħeb f’20 pajjiż, barra mill-KE.

(7)  Din hi l-attività ta’ metroloġija tal-ĊKR: “L-appoġġ tal-kompetittività, it-trasparenza tas-suq intern u l-iskambji jseħħu permezz tal-produzzjoni u d-diffużjoni ta’ riferimenti magħrufa fil-livell internazzjonali u l-promozzjoni ta’ sistema ta’ kejl komuni Ewropew”.

(8)  Ara. U.S. National Science and Technology Council. Instrumentation and metrology in nanotechnology. 2006; u BIPM. Rapport tal-2007.

(9)  Din hija l-European-Developing Countries Clinical Trials Program (“Programm ta’ esperimenti kliniċi tal-Ewropa u l-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp”).

(10)  Wieħed jista’ jaħseb fil-microarrays jew l-ispettrometrija tal-massa avvanzata.

(11)  Eurachem hija netwerk ta’ organizzazzjonijiet Ewropej li bħala għan għandhom id-definizzjoni ta’ sistema ta’ rintraċċabbiltà internazzjonali għall-kejl fis-settur kimiku u l-promozzjoni ta’ prattiki ta’ kwalità tajba. Eurachem Europa tiġbor 35 Stat Membru.

(12)  Ara pereżempju Artikolu 169 tat-Trattat.

(13)  IRMM – Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza – ĊKR – Kummissjoni Ewropea.

(14)  Ara.EURAMET E.V. Byelaws 11.01.2007, Artikolu 14 (5).

(15)  WELMEC: Western European Legal Metrology Cooperation.

(16)  Ara EURAMET E.V. Byelaws 11.01.2007, Rules and procedures parti B punt III.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju għall-appoġġ ta' attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika

COM(2009) 14 finali – 2009/0001 (COD)

2009/C 228/13

Nhar it-3 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju għall-appoġġ ta’ attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika

Fl-24 ta’ Frar 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu) li jaħtar lis-Sur BURANI bħala Rapporteur Ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’95 vot favur, 3 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1

Il-kriżi li għaddejja bħalissa titlob għal eżami mill-ġdid tar-regoli li jigvernaw l-attivitajiet finanzjarji; fir-rigward tas-superviżjoni, ir-rapport tal-Grupp ippresedut minn Jacques de Larosière jistipula numru ta’ rakkomandazzjonijiet li fl-istess waqt jikkostitwixxu analiżi bir-reqqa tan-nuqqasijiet fir-regoli u l-prattiki tal-passat.

1.2

Il-proposta tal-Kummissjoni li qed tiġi kkunsidrata hija konformi ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u f’sens tantiċapahom. Talloka fondi Komunitarji għal għotjiet għat-tliet strutturi ta’ appoġġ tekniku u legali tal-Kumitati tas-Superviżuri: EFRAG, IASCF u PIOB. Dawn l-għotjiet huma maħsuba biex jiżguraw l-indipendenza ta’ dawn il-korpi minn influwenzi esterni. Il-KESE jaqbel iżda jixtieq jirrimarka li t-tliet korpi nħolqu mis-setturi għal dawk l-istess setturi, u li anke fejn l-istandards huma inkorporati fir-regoli tal-UE u dawk internazzjonali, jibqgħu korpi tas-settur privat. Huwa diffiċli li wieħed jissepara l-interess pubbliku mill-attivitajiet li jsiru f’isem dawn is-setturi.

1.3

Huwa previst ukoll kontribut finanzjarju għal azzjonijiet speċifiċi tal-Kumitati tas-Superviżuri, li huma korpi konsultattivi ta’ appoġġ stabbiliti mill-Kummissjoni u magħmulin minn rappreżentanti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri. L-azzjonijiet speċifiċi huma identifikati bħala t-taħriġ tal-persunal ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-ġestjoni ta’ proġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Il-KESE għandu d-dubji dwar dan il-punt; peress li l-benefiċċjarji tat-taħriġ u tal-proġetti huma l-Istati Membri m’huwiex ċar għalfejn għandhom jintużaw fondi tal-UE.

2.   Daħla

2.1

Il-kriżi internazzjonali li għaddejja bħalissa kkawżat, u tkompli tkun il-kawża ta’ danni kbar li għalissa ma jistax jiġi evalwat sew kemm ser ilaħqu, iżda li żgur ser ikunu importanti ħafna. Barra mill-konsegwenzi gravi ekonomiċi u soċjali, kien hemm riżultat wieħed pożittiv: ġiegħlet evalwazzjoni stretta tal-istandards applikati mid-dinja finanzjarja s’issa u taċ-ċertezzi li sfukaw il-perċezzjonijiet tar-riskju inerenti fl-attivitajiet finanzjarji kollha.

2.2

Evalwazzjoni mill-ġdid bħal din titlob awtokritika sinċiera mill-partijiet interessati kollha li nqabdu fil-bufura, fir-rigward tal-kondotta, l-evalwazzjonijiet u l-azzjonijiet tagħhom stess. Atturi finanzjarji, leġiżlaturi, awtoritajiet ta’ monitoraġġ, aġenziji tar-rating, ekonomisti – kollha kemm huma huma responsabbli. Minn naħa l-oħra, ħadd minnhom mhuwa responsabbli waħdu. Avvenimenti li għadhom qed jiżvolġu u r-rikapitulazzjoni ta’ azzjonijiet tal-passat juru li l-kriżi hija r-riżultat ta’ numru ta’ fatturi konkomittenti u interdipendenti.

2.3

Tiskpikka fost il-ħafna kawżi tal-kriżi is-superviżjoni dgħajfa. Ir-regoli dehru li kienu mfassla tajjeb iżda fil-prattika ma setgħux ilaħħqu mal-konsegwenzi magħrufa sew, u wisq inqas li jippreveduhom; u f’xi waqtiet, kienu l-kawża. L-analiżi tas-sitwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għat-tiswija ta’ dawn in-nuqqasijiet huma stipulati fir-rapport tal-Grupp de Larosière. B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp, u biex tantiċipahom fil-waqt opportun, il-Kummissjoni ppreżentat proposta sabiex jiġi stabbilit programm Komunitarja li jappoġġja attivitajiet li ser jipprovdu strumenti għas-superviżjoni ta’ attivitajiet finanzjarji b’mod iktar effettiv.

2.4

Il-programm jaħseb għal għotjiet lil tliet strutturi legali sabiex jingħata appoġġ tekniku u legali lill-awtoritajiet superviżjorji fil-qasam tat-titoli, tal-banek, tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet. It-tliet strutturi ta’ appoġġ legali għar-rappurtar finanzjarju huma l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) u l-Fondazzjoni tal-Kumitat tal-Istandards ta’ Kontabilità Internazzjonali (IASCF); u għall-verifika, il-Bord tal-Iskrutinju tal-Interess Pubbliku (PIOB).

2.5

Huwa previst ukoll kontribut finanzjarju għal azzjonijiet speċifiċi tal-Kumitati tas-Superviżuri, li huma korpi konsultattivi ta’ appoġġ indipendenti mingħajr personalità ġuridika stabbiliti mill-Kummissjoni fit-tliet oqsma u magħmulin mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Dawn il-korpi jaġixxu bħala korpi ta’ dibattitu, riflessjoni u konsultazzjoni għall-Kummissjoni u “jikkontribwixxu favur l-implimentazzjoni konsistenti u f’waqtha tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fl-Istati Membri”. It-tliet kumitati m’għandhom personalità ġuridika; sabiex ikunu jistgħu jagħmlu kuntratti ma’ partijiet terzi, kien neċessarju li jitwaqqfu strutturi ta’ appoġġ b’personalità ġuridika għal kull wieħed mill-Istati Membri fejn jinsabu dawn il-kumitati, jiġirifieri fir-Renju Unit għas-superviżjoni bankarja (CEBS), Franza għat-titoli (CESR), u l-Ġermanja għall-assigurazzjoni u l-pensjonijiet (CEIOPS).

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex jiġu pprovduti strumenti dejjem iktar sofistikati għas-superviżjoni tas-settur finanzjarju, konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Madankollu, jinnota li ma sarux innovazzjonijiet fil-missjonijiet jew il-funzjonijiet tat-tliet strutturi legali li se jibbenefikaw mill-għotjiet jew fil-kumitati li se jirċievu l-kontributi finanzjarji. B’hekk, il-kontributi finanzjarji jservu biex itejbu s-sitwazzjoni attwali, u dan jindika sodisfazzjon bl-istrutturi proprji, iżda wkoll il-ħtieġa li jittejbu jew jissaħħu s-servizzi li dawn jipprovdu.

3.2   Iż-żewġ korpi li joperaw fil-qasam tar-rappurtar finanzjarju, l-IASCF u l-EFRAG, huma stabbiliti fuq standards internazzjonali tal-kontabilità ta’ kwalità għolja ħafna, u dawn huma parzjalment inkorporati fil-liġi Komunitarja. Skont il-Kummissjoni huma jiżguraw li “investituri, kredituri u partijiet interessati oħra jkollhom aċċess għal informazzjoni f’waqtha, affidabbli u rilevanti dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpaniji”. Il-fatti juru li din is-stqarrija m’hijiex minnha. Qabel ma jitwettqu xi riformi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu jwieġbu l-mistoqsija dwar jekk il-falliment kienx minħabba standards tal-kontabilità dgħajfa jew l-applikazzjoni traskurata tar-regoli tal-kontabilità.

3.2.1   Fl-iktar settur sensittiv fejn ġew identifikati ħafna nuqqasijiet, jiġifieri s-swieq tat-titoli, fejn ir-regoli tal-IASCD u tal-EFRAG japplikaw, il-Kummissjoni tenfasizza b’mod espliċitu l-importanza vitali tal-indipendenza minn “influwenza mhux xierqa minn partijiet b’interess” u minn “finanzjament mhux diversifikat, volontarju minn partijiet interessati” bħala waħda mill-ġustifikazzjonijiet għall-għotjiet. Il-kwistjoni tqajmet fil-passat fil-Kunsill tal-ECOFIN u fil-Parlament Ewropew. Madankollu, issa toħroġ fid-dieher mistoqsija oħra: billi dawn il-korpi jesiġu r-riżorsi biex iwettqu il-funzjoni sensittiva tagħhom, “għotja” hija biżżejjed biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom? Il-KESE huwa tal-fehma li din il-mistoqsija jistħoqilha analiżi iktar profonda.

3.3   L-istess kundsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess mod għall-verifika fir-rigward tal-għotja lill-PIOB, il-korp li jissorvelja l-proċess li jwassal għall-adozzjoni tal-ISA (Standards Internazzjonali għall-Verifika) u attivitajiet oħra ta’ interess pubbliku tal-IFAC (Federazzjoni Internazzjonali tal-Accountants). Il-possibilità tal-introduzzjoni tal-ISA fil-liġi Komunitarja (Direttiva 2006/43/KE) tiġġustifika l-interess fin-newtralità tar-regoli u l-fatt li l-Kummissjoni hija rappreżentata minn tnejn mill-għaxar membri fil-korpi ġestjonali tal-PIOB.

3.4   Biex nagħlqu s-suġġett tal-“għotjiet”, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-korpi responsabbli għall-istandards internazzjonali jiġu pprovduti b’mezzi suffiċjenti sabiex jiżguraw l-effiċjenza u l-indipendenza ta’ ħidmiethom. Dan il-punt isir kemm-il darba, fi kliem ftit jew wisq espliċitu, li hija indikazzjoni ċara li teżisti problema bażika. Dawn il-korpi ġew stabbiliti mis-setturi sabiex jistipulaw ir-regoli u l-istandards għas-setturi stess; jibqgħu korpi tas-settur privat, anke meta dawn ir-regoli u standards jiġu inkorporati fil-liġi pubblika. F’dan l-istadju isir diffiċli, fi kwalunkwe korp, li wieħed jiddistingwi l-interess pubbliku mill-attivitajiet li jsiru f’isem is-setturi li għandhom kontroll ġuridiku fuq dak il-korp.

3.5   Kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Kumitati tas-Superviżuri għandhom għan speċifiku: l-appoġġ tat-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-ġestjoni ta’ proġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Kif diġà ġie mfisser, dawn il-kumitat huma korpi konsultattivi indipendenti stabbiliti mill-Kummissjoni u magħmulin mill-awtoritajiet nazzjonali. It-taħriġ tal-persunali (rakkomandazzjoni 19 tar-Rapport de Larosière) u l-ġestjoni tal-proġetti huma bla dubju importanti barra milli huma wkoll kompletament għall-benefiċċju tal-Istati Membri: il-KESE ma jistax jifhem għalfejn dawn l-azzjonijiet m’għandhomx jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri stess minflok mir-riżorsi Komunitarji.

3.6   Fl-aħħar tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni ssemmi l-ħtieġa li jiġi introdott kriterju ta’ flessibilità fl-għażla tal-benefiċċjarji għall-għotjiet: analiżi ulterjuri tal-arranġamenti għall-indirizzar tal-kriżi tista’ tiżvela l-ħtieġa biex jitwaqqfu iktar korpi jew jingħataw kompetenzi ġodda lil dawk li diġà jeżistu. Għaldaqstant, jista’ jagħti l-każ li jkun meħtieġ li jiżdied benefiċjarju ġdid ma’ dawk li diġà ġew identifikati. Il-KESE ma jsibx oġġezzjoni għal dan, iżda jixtieq jerġa’ jfakkar dwar il-ħtieġa li tiġi evitata kull żjieda mhux neċessarja fin-numru ta’ korpi involuti fil-programm. Ikun aħjar jekk, safejn hu possibbli, jiġu estiżi l-funzjonijiet tal-korpi li diġà jeżistu.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

COM(2008) 650 finali – 2008/0195 (COD)

2009/C 228/14

Nhar is-6 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 71 u 137(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq

Nhar it-2 ta’ Diċembru 2008 is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni ġiet inkarigata mill-Bureau tal-Kumitat sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur MORDANT bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’93 vot favur, 7 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni hija diffiċli u ser toħloq spejjeż addizjonali kbar ħafna u żieda fil-piżijiet amministrattivi. Barra minn hekk, ma tiksibx wieħed milll-objettivi fundamentali tad-Direttiva 2002/15/KE li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bil-għan li jittejbu l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq, li tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u li jitqarrbu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli ma jistgħux jaħdmu aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, b’konformità mar-Regolament 561/2006 dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ filwaqt li s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jistgħu jaħdmu 86 siegħa fil-ġimgħa, b’konformità mal-istess Regolament 561/2006 dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ.

1.2

It-trasport bit-triq fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b’50 % matul l-għoxrin sena li ġejjin, indipendentement miż-żieda fil-mezzi l-oħra ta’ trasport (ferrovija u baħar). Il-KESE jafferma li ser ikunu l-kundizzjonijiet li fihom is-sewwieq iwettaq l-attivitajiet mobbli tat-trasport u mhux l-istatus tas-sewwieq li jiddeterminaw il-ksib tal-objettivi tad-direttiva.

1.3

F’din l-opinjoni, il-KESE itenni l-punti ewlenin tal-konklużjonijiet tal-opinjoni tiegħu dwar “It-trasport bit-triq – ħinijiet tax-xogħol għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ” (1).

F’din l-opinjoni, il-KESE enfasizza:

Il-ħtieġa li s-sewwieqa kollha li jaħdmu għal rashom jiġu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE kif previst fl-Artikolu 2 tagħha (minn Marzu 2009 ’l quddiem) bil-għan li tiġi promossa s-sikurezza fit-toroq, li titrawwem il-kompetizzjoni ġusta u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli u li jaħdmu għal rashom – u b’mod partikolari s-saħħa fiżika u mentali tagħhom.

L-importanza tat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva mill-Istati Membri, b’mod partikolari fejn tidħol id-definizzjoni ta’ sewwieq li jaħdem għal rasu, u tal-koresponsabbiltà tal-atturi differenti fil-katina tat-trasport kif inhu l-każ fir-Regolament dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ.

1.4

Il-KESE jidhirlu li l-objettivi tad-Direttiva jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu applikati standards minimi ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport, mingħajr distinzjoni u jkun xi jkun l-istatus tagħhom.

1.5

Il-KESE jemmen li l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva għandha ssir b’mod li jissemplifika kemm jista’ jkun il-kompiti amministrattivi. Skont id-definizzjoni tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-kompiti amministrattivi ġenerali ma jsirux waqt il-ħin tax-xogħol.

1.6

L-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom teħtieġ l-adozzjoni ta’ għadd ta’ miżuri li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-konformità mad-Direttiva 2002/15.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2005. Din id-Direttiva tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq. Ir-regoli komuni l-ġodda stabbiliti f’din id-Direttiva jiżguraw standards minimi ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kkonċernati. Dawn l-istandards minimi huma kkunsidrati bħala pass ’il quddiem importanti, minn naħa, għat-titjib tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq u, minn oħra, għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq u għall-kompetizzjoni ġusta.

2.2

Din id-Direttiva, li għandha l-għan li tħares il-ħaddiema mobbli mill-effetti negattivi ta’ ħinijiet tax-xogħol twal iżżejjed, nuqqas ta’ mistrieħ jew ħinijiet tax-xogħol irregolari, tikkostitwixxi sezzjoni speċjali tad-direttiva ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (Direttiva 2003/88/KE). Id-Direttiva tikkumplimenta r-Regolament (KE) 561/2006 tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi r-regoli komuni dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ tas-sewwieqa.

2.3

Huma u jadottaw id-Direttiva wara l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, il-Kunsill u l-Parlament iddeċidew li fil-prinċipju għandha tapplika għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mit-23 ta’ Marzu 2009. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sentejn qabel din id-data, u warajh proposta leġiżlattiva, imsejsa fuq dan ir-rapport, li tistabbilixxi l-modalitajiet għall-inklużjoni jew l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-ambitu tad-Direttiva.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Kummissjoni tipproponi emenda għad-Direttiva 2002/15/KE sabiex is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jiġu esklużi mill-ambitu tagħha, u tiċċara l-ambitu tad-Direttiva li tapplika għall-ħaddiema mobbli kollha fosthom dawk is-sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom, jiġifieri s-sewwieqa li uffiċjalment jaħdmu għal rashom iżda mhumiex ħielsa li jorganizzaw l-attivitajiet tax-xogħol tagħhom.

3.2

Il-Kummisjoni beħsiebha tiddefinixxi “sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom” kif ġej: “‘ħaddiem mobbli’ għandha tinkludi wkoll kwalunkwe persuna li ma tkunx marbuta ma’ xi ħadd li jħaddimha b’kuntratt tax-xogħol inkella b’xi tip ieħor ta’ relazzjoni ġerarika tax-xogħol, iżda:

a)

li m’għandhiex il-libertà torganizza l-attivitajiet ta’ xogħol rilevanti;

b)

li l-introjtu tagħha ma jiddependix direttament fuq il-profitti;

c)

li m’għandhiex il-libertà, individwalment inkella permezz ta’ kooperattiva bejn sewwieqa li jaħdmu għal rashom, li jkollha relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi klijenti.”

3.3

Il-Kummisjoni tipproponi li tiżdied kundizzjoni għal kwalunkwe xogħol imwettaq matul il-lejl. Fil-fatt, fid-Direttiva 2002/15, kull xogħol imwettaq matul il-lejl huwa kkunsidrat bħala xogħol ta’ billejl. Fl-emenda proposta tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li għandu jkun hemm perijodu ta’ xogħol li jinkludi għall-inqas sagħtejn xogħol matul il-lejl.

3.4

Il-proposta għal emenda tinkludi wkoll Artikolu ġdid dwar l-infurzar sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni korretta u konsistenti tar-regoli tad-Direttiva 2002/15 u tispeċifika li l-korpi nazzjonali responsabbli għall-infurzar tad-Direttiva jkollhom għadd xieraq ta’ spetturi kkwalifikati u li dawn il-korpi jieħdu kull miżuri li jistgħu ikunu meħtieġa.

3.5

Bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva, effiċjenti u uniformi tad-Direttiva madwar il-Komunità, il-Kummissjoni tappoġġja d-djalogu bejn l-Istati Membri għall-għanijiet li ġejjin:

a)

biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

b)

biex jiġi promoss approċċ komuni;

c)

biex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn is-settur tat-trasport u l-awtoritajiet tal-infurzar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Dwar il-problemi identifikati fl-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġ li r-regoli dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ jiġu applikati b’mod strett minn kull sewwieq, ikun xi jkun l-istatus tiegħu, sabiex jiġu evitati l-problemi tas-sikurezza fit-toroq minħabba l-għeja tas-sewwieqa. Għaldaqstant, il-valur miżjud tad-Direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhuwiex sinifikanti għas-sikurezza fit-toroq. Fil-konklużjoni tal-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni tippreferi l-possibbiltà li teskludi s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom u tinkludi s-sewwieqa li mhux tassew jaħdmu għal rashom biex tiggarantixxi infurzar aktar effiċjenti. Dan iwassal għal tnaqqis tax-xkiel tal-kompetizzjoni u jippermetti ħarsien soċjali aħjar għall-ħaddiema u l-gruppi fl-istess kategorija.

4.2

L-esklużjoni mill-ambitu tad-Direttiva tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, skont bosta atturi soċjali, ixxekkel il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq. Dan l-aħħar dan wassal sabiex il-Kumitat jadotta t-talba li ġejja fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport (TEN 257, rapporteur: is-Sur Barbadillo Lopez) (2):

“Il-leġiżlazzjoni soċjali li tkopri t-trasport bit-triq għandha żżomm it-trattament ugwali bejn il-ħaddiema, kemm jekk huma impjegati kif ukoll jekk jaħdmu għal rashom u, għalhekk, id-Direttiva 15/2002 tal-11 ta’ Marzu 2002, dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq iridu japplikaw b’effett immedjat għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, mingħajr perjodu tranżitorju, peress li l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq, li tevita t-tfixkil fil-kompetizzjoni u tippromovi kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol” (punt 4.3.1.2).

4.3

Peress li t-trasport bit-triq fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b’50 % matul l-għoxrin sena li ġejjin, indipendentement miż-żieda fil-mezzi l-oħra ta’ trasport (ferrovija u baħar), il-kundizzjonijiet ta’ saħħa fiżika u mentali tas-sewwieqa ta’ vetturi minn 3.5 tunnellati sa 60 tunnellata, ta’ sikurezza fit-toroq u ta’ kompetizzjoni ġusta ma jistgħux jintlaħqu jekk ma jiġux stabbiliti standards soċjali minimi li japplikaw għall-ħaddiema kollha li jwettqu attivitajiet mobbli fit-trasport, mingħajr distinzjoni u jkun xi jkun l-istatus tas-sewwieqa. Il-KESE jemmen li l-fattur determinanti m’għandux ikun l-istatus iżda l-fatt li jitwettqu attivitajiet mobbli fit-trasport.

4.4

Fl-opinjoni tiegħu TEN/326 dwar “It-trasport bit-triq – ħinijiet tax-xogħol għas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom”, il-KESE fisser it-tħassib serju tiegħu dwar ir-riżultati tal-istudju u tal-analiżi tal-impatt relatati mas-sikurezza fit-toroq, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u l-aspetti soċjali.

Barra minn hekk, il-KESE enfasizza li “sigħat eċċessivi ta’ xogħol huma fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-għeja u għal sewwieq li tmur għajnu bih waqt is-sewqan”.

Fl-aħħar, f’din l-opinjoni l-KESE stqarr li “tista’ tinkiseb sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd meta l-prezzijiet imħallsa lis-sottokuntratturi mill-kumpaniji l-kbar li jorganizzaw l-aspetti kollha tad-distribuzzjoni u t-trasport tal-merkanzija iħarsu l-leġiżlazzjonijiet soċjali li għandhom x’jaqsmu mas-settur, għall-ħaddiema mobbli kif ukoll is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom”.

4.5

Mhuwiex minnu, kif stabbilit fir-rapport dwar l-analiżi tal-impatt, li l-valur miżjud tad-Direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhuwiex sinifikanti għas-sikurezza fit-toroq. Fil-fatt, il-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli ma jistgħux jaħdmu aktar minn medja ta’ 48 siegħa, b’konformità mar-Regolament 561/2006 dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ filwaqt li s-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jistgħu jaħdmu 86 siegħa fil-ġimgħa, b’konformità mal-istess Regolament 561/2006 dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ.

4.6

Fil-proposta tal-Kummissjoni, ladarbda sewwieq jiġi definit bħala sewwieq li mhux tassew jaħdem għal rasu dan għandu, b’mod obbligatorju, jirrispetta d-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol. Iżda, il-proposta tal-Kummissjoni ma tindirizzax il-kwistjonijiet li ġejjin: jekk dak is-sewwieq isir ħaddiem mobbli, għandu jkollu kuntratt tax-xogħol? Min għandu jħaddmu? Jekk huwa sid il-vettura tiegħu, x’għandu jagħmel biha? Jekk ikun għamel xi investimenti infrastrutturali jew oħrajn, min huwa responsabbli għall-konsegwenzi? Barra minn hekk, x’għandhom jagħmlu l-pajjiżi li diġà inkludew is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom?

4.7

Il-Kumitat jemmen li din il-proposta tista’ twassal mhux biss għal spejjeż addizzjonali kbar ħafna iżda wkoll għal żieda fil-piżijiet amministrattivi.

4.8

Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom fl-ambitu tad-Direttiva 2002/15/KE teħtieġ it-traspożizzjoni korretta ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari tad-definizzjoni ta’ sewwieq li jaħdem għal rasu. Id-Direttiva għandha tistipula li l-kompiti amministrattivi ġenerali m’għandhomx isiru waqt il-ħin tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 24, 3.2.2009, p. 49-51.

(2)  ĠU C 161, 23.3.2004, p. 89.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

COM(2008) 779 finali – 2008/0221 (COD)

2009/C 228/15

Nhar is-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur RANOCCHIARI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni Ewropea li, wara li pproponiet regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, li għad irid jiġi approvat, diġà qed taħseb għal sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-parametri li ser jiġu stabbiliti fir-regolament. Dan jinkludi tliet parametri essenzjali: il-konsum tal-fjuwil, is-sikurezza u l-ħsejjes tad-tidwir.

1.2

Il-KESE jifhem ukoll li ċ-ċertifikazzjoni hija maħsuba biex tagħti tagħrif dirett lill-konsumaturi sabiex jiġu megħjuna biex jixtru b’mod iktar infurmat meta jaslu biex ibiddlu t-tajers ladarba tiġi adottata din il-proposta. Dawn it-tajers jgħoddu għal 78 % tas-suq Ewropew.

1.3

Madankollu, fir-rigward tat-tajers oriġinali, jiġifieri dawk armati mill-manifatturi tal-vetturi bil-magna, il-KESE huwa tal-fehma li l-inizjattiva hija żejda billi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ diġà tistipula li l-manifatturi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fl-approvazzjoni tat-tip u sussegwentement bil-fuljetti tekniċi u l-manwali.

1.4

Dwar il-mezz propost mill-Kummissjoni biex il-konsumaturi jkunu infurmati, jiġifieri sticker li titwaħħal mat-tajer, il-KESE jipproponi li tinsab alternattiva għall-każijiet, li jinqalgħu spiss, fejn l-isticker tintilef jew issirilha ħsara.

1.5

Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li, hekk kif sar fil-każ tas-sigurtà ġenerali tal-vetturi bil-magna, jintgħażel Regolament bħala l-forma xierqa ta’ leġiżlazzjoni minflok Direttiva, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm l-istess perijodi u sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri kollha.

2.   Daħla

2.1

Kif diġà nafu, il-pjan ta’ azzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija jipproponi ffrankar ta’ 20 % sas-sena 2020 b’sensiela ta’ miżuri li jnaqqsu l-intensità enerġetika u b’hekk jgħinu biex jitnaqqas il-konsum u b’hekk it-tniġġis tal-ambjent.

2.2

F’dan il-kuntest, qed tingħata attenzjoni kostanti u partikolari lis-sistema tat-trasport bit-triq li tgħodd għal 20 % tal-emissjonijiet tas-CO2.

2.3

Fost il-ħafna interventi li diġà qed jitħaddmu jew li għad iridu jiġu approvati fir-rigward tal-vetturi bil-magna, il-leġiżlazzjoni Ewropea qed tipprova tindirizza l-prestazzjoni tat-tajers li, billi huma l-element waħdieni ta’ rabta bejn il-vettura u t-triq, għandhom jikkontribwixxu għas-sikurezza tas-sewwieqa iżda wkoll biex jitrażżan il-konsum tal-fjuwil.

2.4

Għal dan il-għan il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew (1), hija intiża, fost affarijiet oħra, sabiex tistabbilixxi parametri iktar stretti għall-approvazzjoni tat-tip tat-tajers, kemm f’termini ta’ konsum tal-fjuwil kif ukoll tas-sikurezza u l-ħsejjes.

2.5

Fil-kuntest tal-iffrankar enerġetiku, m’għandux jintesa li t-tajers jistgħu jrażżnu sa 20 % tal-konsum tal-fjuwil tal-vettura minħabba r-reżistenza għat-tidwir (RR), jiġifieri t-telf enerġetiku mir-reżistenza għall-mutur, it-telf tal-enerġija minħabba li r-roti, huma u jduru, jisħnu u jitilfu l-forma. Ta’ min iżid ukoll li l-RR kif ukoll il-ħsejjes tat-tajers huma influwenzati b’mod determinanti mill-kundizzjoni tal-bażi tat-toroq, kundizzjonijiet li f’ċertu każijiet jistgħu jġibu fix-xejn l-avvanz teknoloġiku tat-tajers.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

Din il-proposta għal direttiva tistabbilixxi l-qafas ta’ garanzija ta’ informazzjoni standardizzata għall-utenti speċjalment għall-konsum tal-fjuwil li joriġina minn reżistenza differenti mit-tidwir, iżda wkoll għall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes esterni tat-tidwir, li huma tlieta mill-parametri trattati fil-proposta għal regolament COM (2008) 316 imsemmija hawn fuq.

3.2

Il-ħsieb tal-Kummissjoni huwa li l-konsumatur jista’ mhux biss jagħraf l-obbligi minimi li ser ikunu previsti fir-rigward tal-RR iżda l-ewwel u qabel kollox jagħżel tajers b’RR saħansitra inqas, biex b’hekk jitnaqqas il-konsum. Fil-fatt, għall-vetturi bil-magna, id-differenza fil-konsum bejn sett ta’ tajers b’RR differenti, bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda jista’ jonqos sa b’10 %.

3.3

Dan huwa importanti l-iktar għas-suq tal-partijiet ta’ sostituzzjoni li jirrappreżenta 78 % tas-suq kollu. Fil-fatt, għat-tajers armati mill-manifatturi fuq il-vetturi l-ġodda (22 % tas-suq), l-informazzjoni dwar il-konsum huma ppubblikati mill-manifatturi tal-vetturi meta jinxtraw u jinsabu fil-manwali tal-vetturi. Għall-kuntrarju tas-suq tal-partijiet ta’ sostituzzjoni, il-konsumaturi ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni biex iqabblu d-differenza fil-prezz tat-tajers mal-impatt tagħhom fuq il-konsum tal-fjuwil.

3.4

Billi l-prestazzjonijiet tat-tajers huma kemm marbutin kif ukoll f’kunflitt ma’ xulxin (l-RR meta mqabbel mal-qbid mal-art imxarrba u din tal-aħħar meta mqabbla mal-ħsejjes tad-tidwir), l-informazzjoni tista’ tispjega l-aħjar kompromess li jista’ jintlaħaq bejn it-tliet parametri prinċipali, biex b’hekk il-konsumatur ikun jista’ jagħmel għażla infurmata.

3.5

Il-proposta tal-Kummissjoni b’hekk taħseb għal “sticker enerġetika” biex titwaħħal mat-tajers, bi skala ta’ klassifikazzjoni mill-A sal-G, għall-RR u l-qbid mal-art imxarrba, bħalma diġà sar għall-apparat elettroniku tad-dar, iżda li tkun turi wkoll il-ħsejjes f’decibels.

3.6

Il-proposta tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jikkontrollaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar, kif ukoll biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet f’każ ta’ kontravenzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni, minn naħa intiża biex tiżgura mudell ta’ konsum iktar sostenibbli u min-naħa l-oħra biex il-konsumaturi jingħataw dettalji li jwasslu għal xiri infurmat meta jaslu biex jibdlu t-tajers, mhux biss fir-rigward tal-prodotti iżda wkoll ta’ parametri oħra bħall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes. Il-konsumatur b’hekk ikun jista’ jiddeċiedi jekk il-prezz ogħla ta’ tajer meta mqabbel ma’ ieħor jitpattiex bil-vantaġġi ta’ prestazzjoni aħjar. Konsumatur aktar infurmat iwassal għal iktar kompetizzjoni bejn il-manifatturi tal-partijiet biex jipperfezzjonaw il-prodotti tagħhom.

4.2   Fil-fatt, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea kienet li titlob biss informazzjoni dwar il-konsum tal-fjuwil; iż-żewġ parametri l-oħra żdiedu wara l-konsultazzjoni pubblika li saret dwar is-suġġett. Minkejja li japprova l-għażla aħħarija, il-KESE xorta waħda jaħseb li din l-għażla ser tagħmel il-ġestjoni tal-informazzjoni u l-kontrolli relatati iktar diffiċli.

4.3   Għaldaqstant, il-KESE jesprimi tħassib dwar il-mezz propost biex jiġu infurmati l-konsumaturi. It-twaħħil ta’ sticker biss mhux bilfors iwassal għar-riżultat mistenni.

4.3.1   Is-soltu, ix-xerrej ma jarax it-tajers ta’ sostituzzjoni qabel ma jaslu fil-maħżen minn fejn jinxtraw u jiġu armati fuq il-vettura. Barra minn hekk, jista’ jiġri li fl-istess maħżen jew minn fejn jinxtraw, l-isticker tinqala’ u tintilef jew terġa’ titwaħħal bi żball fuq tajer ieħor. Hemm ukoll ċans akbar li l-istickers jitħassru matul it-trasport jew fil-ħżin, speċjalment fil-każ tat-tajers miksijin bis-silikon li jagħmilha iktar diffiċli biex l-istickers jeħlu. L-esperjenza turi li persentaġġ konsiderevoli tat-tikketti tal-manifatturi li diġà jitwaħħlu fuq tajers jintilef jew issirlu ħsara serja matul it-trasport u l-moviment tat-tajers li – ta’ min wieħed isemmi – ma jiġux ippakkjati individwalment, għal raġunijiet ovvji ta’ spejjeż (2).

4.3.2   Fil-fehma tal-KESE, għandha wkoll tinsab soluzzjoni alternattiva f’każ li l-isticker ma tkunx hemm. F’dan il-każ il-bejjiegħ għandu jkun jista’ jipprovdi, flimkien mal-fattura, tikketta/dokument li juri eżatt l-istess informazzjoni tal-isticker, informazzjoni li hekk jew b’hekk ikun irċieva mill-manifattur.

4.4   Fir-rigward tat-tajers armati fuq il-vetturi l-ġodda t-tikkettar jista’ jitqies bħala spiża żejda. Il-leġiżlazzjoni eżistenti diġà tistipula kif il-manifatturi tal-vetturi għandhom jinfurmaw lix-xerrej dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 wara l-approvazzjoni tat-tip tal-vettura. L-istess japplika għall-qbid fuq l-art imxarrba u l-ħsejjes, anki meta huma diġà regolati fl-approvazzjoni tat-tip tal-vettura bil-magna, kif tagħraf il-Kummissjoni stess fir-rapport mehmuż mal-proposta.

Barra minn hekk huwa fl-interess tal-manifattur li juża dejjem tajers tal-aħħar ġenerazzjoni teknoloġika, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-130 g/km previsti għall-120 g/km li jistgħu jintlaħqu b’teknoloġiji alternattivi mingħajr muturi, inklużi t-tajers.

4.4.1   F’dan il-każ il-kummerċjant, li ħafna drabi jkun ukoll il-bejjiegħ tat-tajers, jista’ jintalab jipprovdi l-klijent b’dokument ieħor li jiġbor il-parametri legali li magħhom jikkonformaw it-tajers tal-vettura li qed ibiegħ, u fejn huwa possibbli jipproponi wkoll għażla alternattiva. Inizjattiva ta’ dan it-tip isservi wkoll bħala appoġġ għall-kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni li l-Istati Membri ser jintalbu jorganizzaw dwar dan is-suġġett.

4.5   Il-KESE jaf bit-talba li tressqet mill-industriji tas-settur (3) li jixtiequ jbiddlu din il-Proposta għal Direttiva biex minflok issir Regolament. Il-Kumitat jaqbel mar-raġunijiet li ngħataw, jiġifieri li r-regolament jiżgura li l-perijodi ta’ applikazzjoni u l-istandards ta’ kontroll ikunu uniformi fl-Istati Membri kollha kif inhu diġà stipulat għall-imsemmija sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur li wasslet għal din il-proposta.

4.5.1   Il-KESE jittama li fid-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ikun jista’ jintlaħaq ftehim, kif ġara f’okkażjonijiet oħra dwar kwistjonijiet sensittivi bħas-sigurtà u l-ambjent.

4.5.2   Fil-fatt, il-KESE huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jingħataw regoli ċari biex jiġi kkontrollat li t-tajers jikkonformaw mar-rekwiżiti meħtieġa, kontroll li huwa partikolarment importanti f’suq li fih parti sinifikattiva tal-prodotti tiġi minn barra l-Ewropa.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni eżentat mill-proposta t-tajers rikostitwiti u dawk professjonali tat-tip “off-road”, li fl-opinjoni msemmija hawn fuq dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi l-KESE ta parir li jiġu esklużi mil-leġiżlazzjoni l-ġdida, filwaqt li kkonferma li r-rekwiżiti ta’ sikurezza ppjanati xorta jridu jiġu rispettati.

5.2

Dejjem b’konformità mal-opinjoni dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi, fl-aħħar mill-aħħar il-KESE jirrakkomanda li:

a)

it-tajers manifatturati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom jiġu eżentati. Il-katina tad-distribuzzjoni tas-settur b’mod konsistenti għandha medja ta’ 80 miljun tajer jiċċirkolaw fis-suq Ewropew. It-twaħħil tal-istickers fuq dawn it-tajers li jkunu diġà tqassmu ma jkunx fattibbli;

b)

l-industrija għandha bżonn mill-inqas 18-il xahar bħala lead time biex timplimenta l-miżuri adottati.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 316 fin li dwaru l-KESE diġà esprima l-opinjoni tiegħu matul is-sessjoni plenarja tal-14 ta’ Jannar 2009 (ara: opinjoni CESE 37/2009).

(2)  L-assoċjazzjoni settorjali ETRMA (European Tyre and Rubber Manufacturer Association) tindika persentaġġ bejn l-10 u l-15 % ta’ stickers li jintilfu matul it-trasport u l-moviment tat-tajers.

(3)  ETRMA: European Tyre and Rubber Manufacturer Association.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija

COM(2008) 781 finali

2009/C 228/16

Nhar it-13 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SIRKEINEN.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-25 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għax tenfasizza, kif tant kien hemm bżonn, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jikkonkludi li:

il-kriżi reċenti tal-gass reġgħet tat xhieda tal-bżonn ta’ approċċ komuni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-enerġija, internament u esternament,

it-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija għadu ma ġiex iffinalizzat, dan il-fattur jikkontradixxi t-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija – is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà,

l-isfidi li qed niffaċċjaw fejn jidħlu ż-żejt u t-trasport ma ngħatatilhomx l-attenzjoni li jeħtieġu mill-Kummissjoni,

il-Kummissjoni ma ndirizzatx l-aspetti soċjali tal-politiki tal-enerġija f’dan il-kuntest,

il-Komunikazzjoni jonqosha sens ta’ urġenza,

il-preżentazzjoni tal-Komunikazzjoni intitolata “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE”, li tħares lejn is-sorsi rinnovabbli bħala parti mis-sistema sħiħa tal-enerġija, hija urġenti,

l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta aġenda politika għall-2030 u viżjoni għall-2050 hija essenzjali, minħabba li tibdiliet kbar fit-teknoloġija u fis-sistemi jieħdu ż-żmien, u

l-aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv ikkunsidra bis-sħiħ il-kummenti tal-KESE dwar is-suġġett.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li

l-istrumenti kollha tal-UE li jistgħu jtaffu r-riskji għas-sigurtà tal-provvista għandhom jibdew jintużaw b’mod effikaċi u urġenti,

wara d-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar il-proposti leġiżlattivi reċenti, l-enfasi għandha tkun fuq l-implimentazzjoni u għandhom jiġu evitati proposti leġiżlattivi ġodda biex il-qafas leġiżlattiv jinżamm kemm jista’ jkun stabbli u prevedibbli,

minn fost il-ħames oqsma tal-pjan ta’ azzjoni, l-iffrankar tal-enerġija għandu jingħata prijorità ewlenija. L-effiċjenża fl-enerġija hija l-għodda ewlenija sabiex niffrankaw l-enerġija u l-potenzjal ta’ azzjonijiet kost-effettivi fil-qasam huwa kbir,

il-Kummissjoni għandha tagħżel il-prijoritajiet minn fost l-għadd kbir ta’ azzjonijiet li qed tipproponi li jittieħdu,

il-problemi relatati mas-swieq iżolati tal-enerġija għandhom jiġu indirizzati b’urġenza partikolari u n-Netwerks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-Es) għandhom jitlestew,

flimkien ma’ investimenti fl-infrastruttura, jeħtieġ li l-investiment kbir li hemm bżonn fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u fir-riċerka fundamentali minn issa sal-2050 jingħataw aktar attenzjoni,

fejn jidħlu relazzjonijiet esterni, l-UE għandha tiżviluppa approċċ globali, responsabbli u sostenibbli għall-enerġija b’konformità mal-politiki tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa stess,

hemm bżonn ta’ bosta miżuri li jżidu l-iffrankar tal-enerġija, iżda għandha tiġi evitata regolamentazzjoni żejda fil-livell tal-UE,

l-UE jeħtieġ li tkun minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji tal-effiċjenza fl-enerġija,

fejn hu possibbli, il-Kummissjoni teżamina jekk il-miri individwali fid-diversi oqsma tal-użu tal-enerġija humiex prattikabbli sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’mod partikolari tas-servizzi u l-prodotti li għandhom dimensjoni tas-suq interna,

deċiżjonijiet dwar il-ġejjieni tal-enerġija nukleari għandhom jittieħdu malajr minħabba l-ħtieġa ta’ investiment kbir fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u

il-viżjoni għall-2050 jeħtieġ li tinkludi l-qagħda globali, li fuqha għandhom jinbnew il-kundizzjonijiet qafas għall-ambizzjonijiet tal-UE.

2.   Daħla

2.1

L-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE huma s-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista. Reċentement is-sigurtà tal-provvista ma ngħatatx l-attenżjoni ċentrali u l-kwistjoni tat-trasferiment tal-gass bejn l-Ukraina u r-Russja, il-kriżi ekonomika u l-prezzijiet xejn stabbli tal-enerġija ħallew l-effetti negattivi tagħhom. Id-dipendenza fuq provvista esterna tal-enerġija fiha nfisha mhix problema, iżda l-konċentrazzjoni dejjem tiżdied ta’ dipendenza fuq fornituri, li mhumiex suġġetti għall-istess regoli tal-Ewropa, kif ukoll id-domanda dejjem tiżdied għall-gass, iżidu r-riskji ta’ problemi fil-provvista.

2.2

Il-proposti leġiżlattivi ewlenin tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn kienu t-tielet pakkett tas-suq tal-elettriku u l-gass u l-pakkett tal-enerġija u l-klima. Dan tal-aħħar intlaħaq qbil dwaru f’rekord ta’ żmien, matul l-ewwel qari ta’ Diċembru 2008, u ħalla diversi dettalji importanti għall-komitoloġija. Il-pakkett tas-suq għadu mhux iffinalizzat wara kważi sentejn. Dan jikkontradixxi l-bżonn ta’ suq intern li jaħdem tajjeb sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija.

2.3

L-għanijiet differenti tal-politika tal-enerġija huma interdipendenti u l-politiki li jirrikjedu sa ċertu punt isaħħu lil xulxin iżda mhux f’kull aspett. L-ewwel prijorità għandha tingħata lis-sigurtà tal-provvista. Fid-dawl tal-effetti li jħallu l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u n-nuqqas ta’ enerġija, in-nies u l-intrapriżi għandu dejjem ikollhom provvista sigura tal-enerġija.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija (SER) ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni f’Novembru 2008. Il-Kummissjoni tipproponi Pjan ta’ Azzjoni għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija li jikkonsisti f’5 punti:

Il-ħtiġijiet infrastrutturali u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija;

Ir-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija;

Il-ħażniet taż-żejt u tal-gass u l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet;

L-effiċjenza fl-enerġija;

L-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE.

3.2

L-aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv għall-2007 jagħmel parti mis-SER. Dan jiffoka fuq is-sigurtà tal-provvista, il-ħtiġijiet tal-investiment u l-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-investiment.

3.3

Flimkien mas-SER, il-Kummissjoni ppreżentat:

il-Pakkett tal-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2008,

ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt u

l-proposta reveduta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari.

3.4

Fid-dokument tas-SER, il-Kummissjoni tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tipproponi:

irfinar tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass fl-2010;

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-karburanti fossili indiġeni tal-UE li jirrispetaw l-ambjent;

Komunikazzjoni intitolata “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE” u

Inizjattiva tal-Enerġija Sostenibbli tal-Iffinanzjar bħala proġett konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment.

3.5

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tipproponi li ġġedded il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa fl-2010 bil-ħsieb li tfassal aġenda politika għall-2030 u viżjoni u Pjan ta’ Azzjoni ġdid għall-2050.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari minħabba l-enfasi tant meħtieġa li għamlet fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u minħabba l-isforz tagħha favur approċċ komprensiv lejn l-isfidi attwali tal-politika tal-enerġija. L-UE għandha strumenti li jistgħu jtaffu r-riskji tas-sigurtà tal-provvista. Dawn ġew identifikati mill-Kummissjoni, u issa għandhom jibdew jintużaw b’mod effikaċi.

4.2

Madanakollu l-azzjoni li tieħu l-UE fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija m’għandhiex tfisser aktar proposti leġiżlattivi. Wara li jiġi adottat il-pakketti attwali, għandha ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni. Il-qafas legali għandu jkun stabbli sabiex ikollna qafas kemm jista’ jkun prevedibbli għall-azzjonijiet meħtieġa.

4.3

Reġa’ qam il-bżonn ta’ approċċ komuni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-enerġija. Saru sejħiet ripetuti għal vuċi waħda, anke mill-KESE. Iżda, sakemm xi Stati Membri, partikolarment Stati Membri kbar, jibqgħu jfittxu l-interessi tagħhom biss, il-qagħda Ewropea fil-qasam tal-enerġija ser tibqa’ aktar dgħajfa, vulnerabbli u ineffiċjenti minn kemm tista’ tkun.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-ħames punti tal-pjan ta’ azzjoni, iżda jqiegħed l-effiċjenza fl-enerġija, jew l-iffrankar tal-enerġija, fl-ewwel post, minħabba li l-għan għandu jkun it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija, fejn l-għodda ċentrali hija effiċjenza aħjar fl-użu tal-enerġija. L-aħjar riżultati f’dan il-qasam ma jistgħux jieħdu post il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti fl-oqsma l-oħra. Iżda hemm potenzjal kbir għal azzjonijiet kost-effettivi favur effiċjenza aħjar fl-użu tal-enerġija, li għandu jiġi sfruttat biex b’hekk jiġu evitati miżuri oħra li jiswew aktar flus. L-aktar eżempju importanti huwa l-potenzjal kbir tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini.

4.5

Il-KESE stenna li l-Kummissjoni ser tagħti aktar attenzjoni lill-problemi taż-żejt u tat-trasport. 36 % tal-enerġija li tuża l-UE ġejja miż-żejt, l-aktar għat-trasport, u minħabba li t-trasport bit-triq qiegħed jiżdied, anke l-emissjonijiet tad-dijossidu karbonju qed jiżdiedu. Barra minn hekk, mistennija prezzijiet taż-żejt instabbli u t-tendenza miexja lejn prezzijiet ħafna iktar għoljin. F’Jannar il-KESE ppreżenta opinjoni “Niffaċċjaw l-Isfidi taż-Żejt” fuq talba tal-Parlament Ewropew (1).

4.6

Id-dokument tal-Kummissjoni ħalla barra wkoll l-aspetti soċjali tal-politika tal-enerġija, li jvarjaw mit-telf tal-impjiegi, il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda f’ekonomija favur l-ambjent, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll “il-faqar fl-enerġija”. Madanakollu, huwa jagħraf li l-enerġija ma tistax titqies prodott bħall-oħrajn u li d-distribuzzjoni tagħha, li hija servizz ta’ interess ġenerali, għandha tikkonforma mal-prinċipji tal-aċċess universali u prezz aċċessibbli.

4.7

Il-KESE jinnota nuqqas ta’ sens reali ta’ urġenza min-naħa tal-Kummissjoni, li fid-dawl tal-problemi li kellna niffaċċjaw fl-imgħoddi u l-problemi reċenti fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista, hija meħtieġa. Il-Komunikazzjoni tippreżenta għadd (aktar minn 45) ta’ azzjonijiet li beħsiebha tieħu – l-aktar komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni. Jeħtieġ li jintgħażlu l-azzjonijiet prijoritarji minn din il-lista sabiex ma jintilifx ir-ritmu.

4.8

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta aġenda politika għall-2030 u viżjoni għall-2050, li tkun appoġġjata minn Pjan ta’ Azzjoni ġdid. Il-Kumitat, fl-2006, kien irrefera għal viżjoni bħal din fl-opinjoni tiegħu dwar l-aħjar taħlita ta’ enerġija (2). Tibdiliet kbar fit-teknoloġija jieħdu ż-żmien, bħalma jieħdu ż-żmien tibdiliet reali fis-sistemi tal-enerġija, minħabba li investiment infrastrutturali jkopri perjodi twal ta’ żmien. Għalhekk neħtieġu viżjoni għall-ġejjieni, li tmur lil hinn mill-potenzjal limitat ta’ llum ta’ aġġustamenti fit-teknoloġija u l-infrastruttura.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-promozzjoni ta’ infrastruttura essenzjali għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-UE

5.1.1

Il-KESE jaqbel li l-Kummissjoni tkun attiva f’dan il-qasam, partikolarment minħabba t-tħassib li jeżisti fir-rigward tad-dipendenza kontinwa fuq riżorsi esterni tal-enerġija. Dwar dan, il-KESE jixtieq jagħmel il-kummenti li ġejjin.

5.1.2

Is-sitt prijoritajiet li ppreżentat il-Kummissjoni jidhru li huma rilevanti ħafna. Huwa biss billi nagħżlu l-prijoritajiet li nistgħu niżguraw implimentazzjoni effiċjenti. Minn dak iż-żmien ’l hawn, lejn l-aħħar ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proġetti speċifiċi, fil-kuntest ta’ dawn il-prijoritajiet, biex tirċievi fondi bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-UE. Huwa diffiċli li tittieħed pożizzjoni dwar dawn il-proġetti ta’ prijorità mingħajr tagħrif trasparenti dwarhom u dwar il-proġetti li għandhom potenzjal, inkluż tagħrif dwar finanzjament ipproġettat minn sorsi privati u pubbliċi.

5.1.3

Il-Kumitat jiddispjaċih li ma tteħditx azzjoni qabel dwar is-sitwazzjoni tas-swieq tal-enerġija iżolati tal-Istati Baltiċi. Din l-azzjoni jeħtieġ li tittieħed bl-akbar urġenza. Fl-istess waqt, il-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ Stati Membri żgħar u iżolati għandhom jingħataw attenzjoni, permezz ta’ proġetti ta’ interkonnessjoni mal-kontinent Ewropew.

5.1.4

Dwar il-kurituri tal-gass, il-KESE stqarr fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija, li jidher li hemm il-ħtieġa ta’ diversi proġetti relatati mal-ħtiġijiet tat-trasport tal-gass fil-ġejjieni. F’sens politiku il-proġetti m’għandhomx jitqiesu bħala għażliet f’kompetizzjoni bejniethom. Huwa importanti li tittieħed azzjoni urġenti li tiżgura l-provvista tal-gass, u dan jitlob azzjoni min-naħa tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

5.1.5

L-idea ta’ mekkaniżmu tax-xiri bil-blokka għandha tiġi spjegata aħjar kif għandha tiġi spjegata wkoll l-enfasi fuq ir-reġjun Kaspjan.

5.1.6

L-isfidi tas-sigurtà tal-provvista ma jissolvewx biss permezz tal-infrastruttura għat-trasport tal-enerġija. Il-ġenerazzjoni tal-enerġija jeħtieġ tiġi ssostitwita b’investiment ta’ kważi EUR 1 000 biljun. Il-Kummissjoni indirizzat dan l-aspett fil-punt li jittratta s-sorsi indiġeni ta’ enerġija, iżda jeħtieġ li jiġu indirizzati wkoll l-investiment u l-finanzjament meħtieġa f’dan il-rigward.

5.1.7

Ir-rwol tal-atturi differenti hija kwistjoni ċentrali relatata mal-investiment. Dawn l-atturi huma l-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, l-Istati Membri u l-kumpaniji. Il-kumpaniji jinvestu iżda jinvestu meta jkollhom il-kundizzjonijiet adattati. Anki jekk isiru żbalji f’suq tal-enerġija li għaddej minn taqlib, il-kumpaniji qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw is-suq u jieħdu r-riskji. Is-settur pubbliku u l-politiċi jistgħu jaġixxu biex joħolqu kundizzjonijiet qafas tajbin u b’ċertu limitu joħolqu l-inċentivi u jagħtu appoġġ politiku. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkollabora aktar mill-qrib u b’mod aktar effettiv mas-settur privat u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

5.2   Enfasi fuq l-enerġija fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE

5.2.1

F’Jannar 2009, il-KESE ppreżenta l-opinjoni tiegħu dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija. Il-kummenti, il-konklużjoniet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni għadhom rilevanti, u konformi mal-proposti tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Il-Kumitat jisħaq b’mod partikolari fuq żewġ punti: il-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex il-pajjiżi fornituri japplikaw l-istess kundizzjonijiet tal-UE, bħall-aċċess għall-infrastruttura, il-protezzjoni tal-investiment, eċċ, fis-suq tal-enerġija; u b’mod partikolari li l-prerekwiżit tal-Istati Membri, huma u jappoġġjaw in-negozjati dwar il-kuntratti kummerċjali, ikun li jeżisti qafas ta’ kundizzjonijiet komuni li jkun sar qbil dwaru.

5.2.2

Il-KESE ppreżenta wkoll approċċ imsejjes fuq żewġ pilastri għar-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija. Wieħed minnhom huwa s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa, u l-ieħor approċċ responsabbli u sostenibbli għall-enerġija globali. L-aspetti relatati mar-responsabbiltà globali tal-Ewropa, issemmew fil-qosor mill-Kummissjoni. Din ir-responsabbiltà timmerita attenzjoni serja, u ma tistax tistrieħ fuq is-saħħa tal-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja fin-negozjati internazzjonali biss.

5.3   Ħażniet imtejba taż-żejt u tal-gass u mekkaniżmi ta’ rispons għall-kriżijiet

5.3.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma attwali tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Is-soluzzjoni għall-ħtieġa ta’ miżuri ta’ emerġenza għandha u tista’ tinstab f’mezzi oħra minflok fil-ħażniet obbligatorji tal-gass, li jiswew ħafna flus. Il-miżuri alternattivi huma d-diversifikazzjoni tas-sorsi u l-linji tal-provvista, il-gass naturali likwifikat (LNG), il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien, kuntratti mhux interrotti u l-bdil tal-fjuwil.

5.4   Spinta ġdida għall-effiċjenza fl-enerġija

5.4.1

Il-KESE ħareġ diversi opinjonijiet dwar l-effiċjenza fl-enerġija, inkluża diskussjoni dettaljata ta’ miżuri prattiċi. Il-Kumitat jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni, iżda jixtieq iżid xi osservazzjonijiet.

5.4.2

Teżisti għażla vasta u mingħajr limitu ta’ miżuri għall-użu u l-produzzjoni ta’ enerġija aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni ippreżentat lista ta’ miżuri legali, bħall-miżuri għall-bini, l-ittikkettjar tal-enerġija, l-ekodisinn, eċċ. Fil-futur mistennija jittieħdu aktar miżuri f’dan ir-rigward. Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni partikolari sabiex niżguraw li dawn il-miżuri ma joħolqux regolamentazzjoni żejda iżda li jkomplu jiżviluppaw il-potenzjal għall-innovazzjoni bl-aħjar mod possibbli. Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ politika partikolari għal kull qasam fil-forma ta’ regolamentazzjoni, appoġġ pubbliku, eċċ. li jżidu l-iffrankar tal-enerġija, iżda li jitfasslu b’attenzjoni biex ikunu l-aktar miżuri kost-effettivi u l-inqas li jostakolaw is-suq. Il-miżuri tal-UE għandhom jindirizzaw il-prodotti u s-servizzi li jagħmlu parti mid-dimensjoni interna tas-suq biss. Il-KESE jixtieq li ssir aktar enfasi fuq il-possibbiltajiet ta’ azzjoni volontarja, l-awtoregolamentazzjoni, il-koregolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni.

5.4.3

L-Ewropa taqdi rwol mexxej fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. Jeħtieġ li tkun ukoll minn ta’ quddiem fit-teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti. L-UE għandha l-possibbiltà li tisfrutta l-pożizzjoni mexxejja li tinsab fiha u tagħmel profitt minnha. Dan jista’ jsir permezz ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, appoġġ għall-innovazzjoni, fondi ta’ riskju, standardizzazzjoni xierqa, swieq miftuħin fl-Ewropa u fid-dinja, ftehim internazzjonali effettiv dwar il-klima u kooperazzjoni internazzjoanli dwar l-effiċjenza fl-enerġija.

5.4.4

Filwaqt li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-mira ta’ 20 % ta’ effiċjenza ikbar tal-enerġija huwa għandu d-dubji tiegħu dwar mira vinkolanti. L-effiċjenza tal-enerġija tkopri l-oqsma tal-attivitajiet umani u ekonomiċi kollha u ma jeżisti kważi l-ebda limitu fuq il-miżuri li jistgħu ikomplu jsaħħuha. Pereżempju kif jista’ jiġi ddiżinjat il-qism tal-isforzi ġusti f’ċirkustanzi bħal dawn? Il-Kumitat jipproponi minflok li l-Kummissjoni teżamina jekk il-miri individwali fid-diversi oqsma tal-użu tal-enerġija humiex prattikabbli sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija b’mod partikolari tas-servizzi u l-prodotti li għandhom dimensjoni tas-suq interna.

5.5   Isir l-aħjar użu mir-riżorsi indiġeni tal-enerġija tal-UE

5.5.1

Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mal-messaġġ tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi tal-ernerġija tal-UE stess. Huwa importanti li jkun hemm stampa realistika dwar l-iżvilupp tad-domanda għall-enerġija, kif ukoll dwar il-potenzjal, il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-użu ta’ sorsi differenti ta’ enerġija.

5.5.2

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari il-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar “Ostakli li jingħelbu għal Enerġija Rinnovabbli fl-UE”, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi malajr f’dan ir-rigward. Il-kwistjoni importanti ta’ żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, li fil-futur ser issir l-aktar sors ta’ enerġija li tintuża fid-djar, importanti u ekoloġika, kellha tiġi analizzata ħafna qabel u meqjusa bħala parti mis-sistema tal-enerġija kollha. Il-kwistjonijiet ċentrali f’dan ir-rigward, hekk kif tisħaq il-Kummissjoni, huma l-limitazzjonijiet fis-sistema ta’ distribuzzjoni u l-kwistjoni ta’ riżerva ta’ enerġija. Huwa u jitfassal l-istudju għandha tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-ħolqien ta’ “riżervi tal-enerġija” u jekk jistax iwassal biex l-isforzi li qed isiru favur l-użu ta’ enerġija rinnovabbli biex innaqqsu l-emissjonijiet u niżguraw is-sigurtà tal-provvista, jisfaw fix-xejn. Kwistjoni oħra hija l-problemi ta’ pjanar u awtorizzazzjoni.

5.5.3

Il-Kumitat jaqbel mal-pożizzjoni li l-istandards obbligatorji ta’ emissjonijiet tas-CO2 għall-impjanti tal-enerġija, għandhom jitqiesu biss wara li jkunu ġew evalwati r-riżultati ta’ demostrazzjonijiet industrijali tas-CCS (il-qabda tal-karbonju, it-trasport u l-ħażna).

5.5.4

Fir-rigward tal-enerġija nukleari, il-KESE ilu żmien twil jesprimi l-fehma tiegħu li għandhom ikunu disponibbli l-għażliet kollha li jeżistu għall-ġenerazzjoni tal-enerġija biex b’hekk jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija. Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ investimenti kbar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-ġejjieni qarib, l-Istati Membri li għażlu jew ser jagħżlu li jużaw l-enerġija nukleari għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġejjieni tal-enerġija nukleari malajr. Skont il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni, il-kapaċità tal-ġenerazzjoni nukleari fl-UE għandha tinżel bi kwart sal-2020 u, jekk din ma tiġix sostitwita bl-enerġija nukleari, parti minnha tkun sostitwita b’impjanti li jaħdmu bil-gass jew bil-faħam. Dan ser iżid l-emissjonijiet u jhedded is-sigurtà tal-provvista. Is-sikurezza nukleari teħtieġ attenzjoni kontinwa kif ukoll l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari. Il-KESE ser jippreżenta opinjoni separata li tittratta l-proposta riveduta għal Direttiva li tistabbilixxi Qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari.

5.5.5

Il-KESE huwa favur l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dokumenti dwar il-ħtiġijiet tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija jiġifieri dwar ir-raffinar ta’ żejt jew l-elettriku. Iżda bl-ebda mod m’għandu jintesa li l-UE mhix f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar investiment fil-kapaċità tal-enerġija jew li tfassal ir-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward, għax ma tistax iġġorr ir-responsabbiltà tar-riskji potenzjali. Il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni rilevanti, inkluż l-użu tal-mudelli jistgħu jkunu utli ħafna u nħeġġu l-kooperazzjoni mal-IEA dwar dan.

5.6   Lejn viżjoni għall-2050

5.6.1

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Politika ġdida tal-Enerġija għall-Ewropa fl-2010, b’aġenda politika sal-2030 u b’viżjoni għall-2050. Huwa jaqbel ukoll mal-idea li din tissejjes fuq konsultazzjoni wiesgħa dwar l-għanijiet possibbli fuq perijodu fit-tul.

5.6.2

Il-KESE preliminarjament iqis li l-għanijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, jiġifieri li telimina l-karbonju mill-provvista tal-elettriku tal-UE, li ttemm id-dipendenza tat-trasport, il-bini u l-elettriku fuq iż-żejt, effiċjenza għolja u sistema globali li taħdem b’livell baxx ta’ karbonju, huma l-isfidi ċentrali li għandna niffaċċjaw fuq perijodu fit-tul. Biex niffaċċjaw dawn l-isfidi għandna nqisu t-teknoloġiji possibbli kollha, inklużi l-fużjoni u l-idroġenu.

5.6.3

Is-sitwazzjoni u l-iżviluppi globali għandhom jagħmlu parti mill-viżjoni u fuqhom għandha tinbena l-bażi tal-kundizzjonijiet qafas tal-ambizzjonijiet tal-UE stess. Id-domanda dejjem tikber għall-enerġija f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, klima li qed tinbidel u wieħed jittama azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament fuq livell internazzjonali u riżorsi disponibbli tal-fossili, eċċ. jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħna u l-għażliet li nagħmlu. Bħala eżempju nistgħu nieħdu s-sitwazzjoni taż-żejt li filli ħolqot problema ta’ prezzijiet għoljin li qatt ma rajna qabel u filli inbidlet f’biża’ ta’ produzzjoni insuffiċjenti minħabba prezzijiet baxxi.

5.7   Aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv

5.7.1

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-Kummissjoni laqgħet il-kummenti li preżenta fl-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-Programm Nukleari Illustrattiv fl-2007 (3) u fl-opinjoni esploratorja li ħejja dwar investimenti fl-enerġija nukleari (4). Il-punt ta’ tluq huwa r-rwol importanti tal-UE li tkompli tiżviluppa l-aktar qafas avvanzat tal-enerġija nukleari b’konformità mal-ogħla standards ta’ sikurezza, sigurtà u nonproliferazzjoni. Il-kwistjonijiet tal-ġestjoni tal-iskart radjoattiv, il-fondi garantiti fit-tul għall-iżmuntaġġ tal-impjanti, it-theddida tat-terroriżmu u l-ħtieġa ta’ skema ta’ responsabbiltà armonizzata ġew indirizzati b’konformità mal-fehmiet tal-KESE. Il-KESE jenfassizza li l-ispejjeż kollha f’dan ir-rigward għandhom jitħallsu mill-operaturi tal-impjanti nukleari.

5.7.2.

Il-KESE għal darb’oħra jtenni li huwa jaqbel mar-rwol sinifikanti li taqdi l-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tal-Ewropa għall-ġejjieni sabiex intaffu l-bidla fil-klima u niżguraw il-provvista tal-elettriku. Huwa jaqbel ukoll mal-bżonn nagħtu widen lit-tħassib tal-pubbliku u l-proposti li saru f’dan ir-rigward. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet dwar livelli komuni ta’ sikurezza tar-reatturi u li jiġu kkunsidrati biss kostruzzjonijiet ġodda li jissodisfaw il-livelli ta’ sikurezza u sigurtà tat-tielet ġenerazzjoni. Xi miżuri biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament ta’ kostruzzjoni ġdida huma ġġustifikati, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali, iżda sussidji mill-Istat jew riżorsi mill-baġit tal-UE m’għandhomx jintużaw għal dan l-iskop. Anki fil-każijiet fejn l-Istati Membru indikaw li jaqblu mal-ftuħ ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda, il-bini, il-fondi, it-tħaddim u l-ġestjoni tal-iskart tal-impjanti huma kompitu tal-operaturi privati. Il-gvernijiet huma responsabbli biss mill-qafas sabiex dan ikun jista’ jseħħ. L-informazzjoni dwar l-impjanti nukleari li huma ppjanati u l-ispejjeż involuti għandhom jiġi ppreżentati b’mod miftuħ u komprensiv kmieni kemm jista’ jkun għall-fini ta’ diskussjoni u parteċipazzjoni pubbliċi.

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 46/2009 14.1.2009 intitolata Niffaċċjaw l-isfidi taż-żejt, rapporteur: is-Sur Osborn.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-taħlita tal-enerġija, rapporteur: Is-Sinjura Sirkeinen, ĠU C 318 tat-23.12.2006, paġna 185. Mhix disponibbli bil-Malti.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Programm Indikattiv Nukleari, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen, ĠU C 256 tat-23.12.2006, paġna 51.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE 1912/2008 4.12.2008 dwar l-Investimenti futuri fl-industrija nukleari u r-rwol tagħhom fil-politika tal-enerġija tal-UE, rapporteur: is-Sur Iozia.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (riformulazzjoni)

COM(2008) 778 finali/2 – 2008/0222(COD)

2009/C 228/17

Nhar it-30 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija(riformulazzjoni)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur PEZZINI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’180 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taġġorna d-Direttiva 92/75/KEE dwar l-ittikkettar enerġetiku obbligatorju tat-tagħmir domestiku, direttiva li diġà hija magħrufa minn miljuni ta’ konsumaturi, industriji u distributuri.

1.2

Il-Kumitat iqis li s-sistema wasslet sabiex:

il-manifatturi jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq b’mod aktar effettiv (f’katergoriji ogħla ta’ kwalità u ta’ użu effiċjenti tal-enerġija);

il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati, ibiddlu d-drawwiet tagħhom u jqabblu l-manifatturi;

is-soċjetà ttejjeb l-ambjent u tuża r-riżorsi b’mod sostenibbli filwaqt li tiżgura s-sorveljanza tas-suq uniku.

1.3

Il-Kumitat jikkunsidra li, sabiex politika jkollha suċċess, għandhom jiġu enfasizzati l-elementi ewlenin:

kriterji sempliċi, ċari u li jistgħu jinfthiemu;

informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku tal-enerġija;

analiżi tar-redditu, mifthiema mill-partijiet interessati kollha;

riżultati xjentifiċi ppruvati;

burokrazija u spejjeż operattivi mill-anqas;

kompatibilità u konsistenza bejn il-leġiżlazzjoni vinkolanti u l-istrumenti volontarji;

sistemi dinamiċi u flessibbli li jħallu lok għall-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku;

informazzjoni sempliċi li faċli jifhimha kulħadd;

il-promozzjoni tas-sostenibbiltà fis-suq dinji mingħajr ma jinħolqu ostakli bil-moħbi għall-kummerċ internazzjonali.

1.4

Il-Kumitat iqis li kull inizjattiva għar-reviżjoni tal-iskema tal-ittikkettar għandha żżomm il-karatteristiċi li għamluha ta’ suċċess – is-sempliċità, it-trasparenza, l-affidabbiltà u l-komparabbiltà – tiżgura li tiġi aġġornata permezz ta’ mekkaniżmi flessibbli u dinamiċi li jikklassifikaw il-prestazzjoni tal-prodott; u tippermetti lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati dwar prodotti aktar effiċjenti u sostenibbli u standards preċiżi.

1.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li, qabel kwalunkwe estensjoni tad-Direttiva għal gruppi ġodda ta’ prodotti marbutin mal-enerġija, jitwettqu valutazzjoni tal-impatt ċara, trasparenti u settorjali u analiżi tar-redditu, miftiehma bejn il-partijiet interessati kollha u bbażati fuq evidenza xjentifika.

1.6

Barra minn hekk, il-Kumitat jikkunsidra li jkun utli li tinżamm l-effikaċja tad-Direttiva 92/75/KEE (1), filwaqt li jittejbu u jiġu pperfezzjonati l-mekkaniżmi dinamiċi tagħha ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid (2).

1.7

Il-Kumitat jappoġġja l-estensjoni tal-iskema tal-Ittikkettar Enerġetiku għal prodotti oħra li jużaw l-enerġija peress li l-messaġġ huwa ċar, trasparenti, jista’ jitqabbel faċilment fis-suq u għandu l-potenzjal li jsir għodda ta’ marketing ta’ suċċess.

1.8

Il-KESE jemmen li fil-każ ta’ prodotti u servizzi oħra li ma jużawx enerġija iżda huma relatati mal-konsum tal-enerġija jkun aktar xieraq li jintużaw għodod oħra ta’ informazzjoni u l-ambjent.

1.9

Fil-fehma tal-Kumitat, għandhom jiġu evitati regolamenti li jikkoinċidu, li sikwit ikunu f’kompetizzjoni u/jew f’kunflitt ma’ xulxin, peress li f’ħafna każijiet iwasslu għal aktar spejjeż u burokrazija u għandu jinżamm approċċ settorjali integrat li jikkombina t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà.

1.10

Il-Kumitat jaqbel mal-importanza li jiġi żgurat l-għoti ta’ inċentivi, mingħajr ma jinkisru r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat.

1.11

Rigward id-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, il-Kumitat huwa tal-parir li nkunu prudenti aħna u nimponu miżuri vinkolanti u jikkunsidra li huwa importanti li l-Istati Membri jingħataw ċertu flessibbiltà u għandu jiġi żgurat bilanċ ġust, li jinkludi skemi volontarji ta’ Akkwist Pubbliku Ekoloġiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar hija direttiva qafas bil-għan li tiggwida s-suq tat-tagħmir domestiku lejn prodotti li jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-enerġija billi tipprovdi lill-konsumatur u s-suq b’informazzjoni utli u komparabbli.

2.2

Il-punti pożittivi ewlenin tat-tikketta enerġetika huma dawn li ġejjin:

in-natura obbligatorja tagħha;

il-viżibbiltà tagħha;

is-sempliċità tal-messaġġ;

il-fatt li prodotti tal-istess kategorija jistgħu jitqabblu minnufih.

2.3

Il-Kumitat jemmen li s-sistema, għalkemm hija limitata għal ċerti setturi u hija soġġetta għal analiżi u studji settorjali dettaljati, wasslet sabiex:

il-manifatturi jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq b’mod aktar effettiv (f’katergoriji ogħla ta’ kwalità u ta’ użu effiċjenti tal-enerġija) u jibbenefikaw mill-investiment tagħhom għall-introduzzjoni ta’ prodotti aqwa u aktar innovattivi;

il-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u jbiddlu d-drawwiet tagħhom;

is-soċjetà ttejjeb l-ambjent u tuża r-riżorsi b’mod sostenibbli billi tuża anqas riżorsi.

2.4

Il-Kumitat jikkunsidra li għandu jiġi enfasizzat il-fatt li d-direttiva attwali dwar l-ittikkettar enerġetiku hija waħda mill-istrumenti Komunitarji ta’ suċċess, peress li hija bbażata fuq:

kriterji sempliċi, ċari u li jistgħu jinfthiemu;

informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku tal-enerġija;

analiżi tar-redditu, mifthiema mill-partijiet interessati kollha;

riżultati xjentifiċi ppruvati;

burokrazija u spejjeż operattivi mill-anqas;

komparabbiltà, konsistenza u nuqqas ta’ dupplikazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-istrumenti volontarji ekwivalenti;

regoli dinamiċi u flessibbli li jħallu lok għall-innovazzjoni u l-progress teknoloġiku;

informazzjoni sempliċi li faċli tinftiehem mill-partijiet ikkonċernati kollha, speċjalment mill-konsumatur;

it-tixrid tal-priċinpji tas-sostenibbiltà fis-suq dinji.

2.5

Is-setturi li huma kkonċernati bħalissa, u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, jinkludu: il-friġġijiet, il-friżi u l-friġġijiet bil-friżi; il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, il-magni nixxiefa u l-magni tal-ħasil li jnixxfu; il-magni tal-ħasil tal-platti; il-fran; is-saħħana tal-ilma u t-tagħmir li jaħżen il-misħun; id-dwall; u l-klimatizzaturi. Għal dawn is-setturi l-pjan hu li jiġu aġġornati t-tikketti enerġetiċi matul l-2009 u l-2010.

2.6

Studji preliminari li saru f’isem il-Kummissjoni u li ttrattaw il-prodotti li jużaw l-enerġija wrew li aktar minn 80 % tal-impatt ambjentali ta’ dawn il-prodotti jiġġarrab waqt il-fażi tal-użu tagħhom.

2.7

L-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva 92/75/KEE għal tagħmir domestiku ieħor u għall-prodotti kollha marbutin mal-enerġija, għajr it-trasport li diġà huwa soġġett għal regolamenti separati, tirrappreżenta sfida ewlenija u impenn konsiderevoli. Qed isiru sforzi simili għar-reviżjoni tad-Direttiva 2005/32/KE dwar l-ekodisinn.

2.8

L-applikazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija għal “kull oġġett li jkollu impatt fuq il-konsum tal-enerġija waqt l-użu, li jitqiegħed fis-suq u/jew jibda jintuża fil-Komunità, inklużi l-partijiet maħsuba biex jiġu inkorporati fi prodotti b’rabta mal-enerġija” ma tfissirx li nkunu limitati għall-prodotti li jużaw l-enerġija huma stess, iżda li jiġu inklużi dawk il-prodotti li meta jintużaw għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija, bħall-bibien, it-twieqi, u l-materjal u ż-żebgħa fil-qasam tal-kostruzzjoni.

2.9

L-inklużjoni ta’ dawn il-prodotti u s-setturi ġodda fl-ambitu ta’ direttiva emendata tista’ twassal għal bidla fil-parametri li għandhom jitqiesu għall-ittikkettar dwar il-konsum tal-enerġija, bidla fit-tabella nnifisha kif ukoll żieda fil-parametri differenti skont is-settur u l-prodott.

2.10

Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ittikkettar Enerġetiku tħabbret bħala prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (3) u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar Politika Sostenibbli dwar il-Konsum u l-Produzzjoni u Politika Industrijali Sostenibbli (SCP/SIP) (4), li dwarha l-Kumitat ħareġ opinjoni separata (5). Dan ma jinkludix biss l-ittikkettar enerġetiku iżda wkoll l-ittikkettar ekoloġiku, il-marka Energy Star, il-karatteristiċi tekniki tal-ekodisinn, l-istandards dwar l-effiċjenza tal-bini, l-istandard tal-EMAS u informazzjoni oħra relatata mal-ambjent bħad-Dikjarazzjonijiet ta’ Prodotti Ambjentali u diversi tikketti li huma speċifiċi għal settur partikolari bħal dawk tas-settur tal-ikel (6).

2.11

Bl-istess mod, rigward il-kwistjoni tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (GPP), il-Kumitat irrakkomanda “li jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (green public procurement — GPP) billi: jiġu definiti l-karatteristiċi tekniċi ta’ prodotti ‘ekoloġiċi’, nibdew minn dawk li għandhom l-aħjar impatt ambjentali” u ppropona:

l-inklużjoni tal-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott jew tas-servizz fl-ispeċifikazzjonijiet tiegħu;

l-ħolqien ta’ bażi tad-data dedikata disponibbli online;

l-aġġornament tad-direttivi tal-KE dwar l-akkwist pubbliku billi jiġu inklużi referenzi għal standards komuni;

l-estensjoni taċ-ċertifikazzjoni EMAS;

l-ekotikketti;

l-ekodisinn (7).

3.   Il-kontenut essenzjali tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1

L-għan tal-proposta huwa li jiġi estiż l-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fis-seħħ (8), li bħalissa huwa ristrett għat-tagħmir domestiku, sabiex ikunu jistgħu jitwaħħlu t-tikketti fuq il-prodotti kollha marbutin mal-enerġija, inkluż is-setturi domestiku, kummerċjali u industrijali u xi prodotti li ma jużawx enerġija bħat-twieqi, li għandhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija ladarba jkunu qed jintużaw jew installati.

3.2

L-għan ġenerali tal-proposta huwa li jiġi żgurat il-moviment ħieles tal-prodotti u li tittejjeb l-effiċjenza tagħhom fl-użu tal-enerġija.

3.3

Il-proposta għal direttiva qafas dwar l-ittikkettar, li hija riżultat tar-riformulazzjoni tad-Direttiva 92/75/KEE, tinkludi wkoll dispożizzjonijiet relatati mal-akkwist pubbliku u inċentivi u, skont il-Kummissjoni, ser tkun parti essenzjali għall-politika ambjentali, integrali u sostenibbli dwar il-prodotti li tippromovi u tistimola d-domanda għal prodotti aħjar u tgħin lill-konsumatur jagħmel għażliet aħjar.

3.4

Il-Kummissjoni tistqarr li l-proposta għal direttiva qafas hija komplementari għall-istrumenti Komunitarji eżistenti, bħad-Direttiva tal-Ekodisinn (9), ir-Regolament tal-Energy Star (10) u r-Regolament tal-Ekotikketta (11).

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taġġorna d-Direttiva 92/75/KEE dwar l-ittikkettar enerġetiku obbligatorju tat-tagħmir domestiku, direttiva li diġà hija magħrufa mill-konsumaturi, l-industriji u d-distributuri.

4.2   Il-Kumitat iqis li kull inizjattiva dwar l-iskema tal-ittikkettar għandha żżomm il-karatteristiċi bażiċi li għamluha ta’ suċċess: is-sempliċità, it-trasparenza, l-affidabbiltà u l-komparabbiltà; iżda fl-istess ħin għandha tiżgura li tiġi aġġornata permezz ta’ mekkaniżmi flessibbli u dinamiċi li jikklassifikaw mill-ġdid il-prodotti mal-medda taż-żmien sabiex l-industrija tiġi żgurata li l-għan ta’ dawn il-mekkaniżmi jkun il-progress tekniku u xjentifiku u sabiex nipprovdu lill-konsumatur għażla tal-prodotti l-aktar effiċjenti u sostenibbli, f’termini ta’ konsum ta’ enerġija u prestazzjoni, fuq il-bażi ta’ standards dejjem aktar preċiżi.

4.3   Il-Kumitat jirrakkomanda li, qabel kwalunkwe estensjoni tad-Direttiva għal gruppi ġodda ta’ prodotti marbutin mal-enerġija, jitwettqu valutazzjoni tal-impatt ċara, trasparenti u settorjali u analiżi tar-redditu, miftiehma bejn il-partijiet interessati kollha u bbażati fuq evidenza xjentifika.

4.4   Jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġu evitati regolamenti li jikkoinċidu, li sikwit ikunu f’kunflitt ma’ xulxin, u li joħolqu aktar spejjeż u burokrazija u li tingħata attenzjoni lil “approċċ settorjali integrat [li jinkorpora] t-tliet pilastri […] tas-sostenibbiltà. Ir-rekwiżiti ambjentali għandhom jitqiesu sa mill-fażi tad-diżinn tal-prodott b’mira għaċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott, biex b’hekk dejjem ngħollu l-livell tal-mira għall-kwalità, l-innovazzjoni u s-sodisfazzjon tal-konsumatur” (12).

4.5   Fil-fehma tal-Kumitat, l-analiżi tar-redditu u l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom jiġu akkumpanjati minn analiżi ta’ kemm l-ekonomija u l-intrapriżi Ewropej jifilħu jġarrbu spejjeż addizzjonali mingħajr ma jkollhom inaqqsu l-produzzjoni jew l-impjegati u mingħajr ma jkollhom jirrilokaw il-produzzjoni barra mill-Ewropa. Il-Kumitat, f’diversi okkażżjonijiet, enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-setturi milquta mill-bidla industrijali.

4.6   Il-Kumitat jenfasizza wkoll il-ħtieġa li n-natura tat-Tikketta Enerġetika tiġi ċċarata u tkun trasparenti:

tikketta li tidentifika b’mod ċar u sempliċi l-konsum tal-enerġija tal-prodotti waqt l-użu, ibbażata fuq l-istess parametri u b’hekk tiżgura kompatibilità sħiħa u klassifikazzjoni mill-ġdid dinamika, bħalma għandha tkun it-Tikketta Enerġetika aġġornata (standards aġġornati skala miftuħa tal-ittikkettar + it-tneħħija gradwali tal-prodotti li għandhom l-agħar prestazzjoni);

tikketta li, barra l-konsum tal-enerġija, tevalwa l-limiti tal-prestazzjoni f’termini tal-effiċjenza tal-enerġija, il-konsum tal-ilma, l-istorbju, ir-rispett ta’ dawn il-limiti, eċċ. Dan jagħmilha diffiċli biex wieħed jagħmel paragun objettiv huwa u jagħżel bejn prodott ittekkattjat u ieħor u ma jiffaċilitax lanqas il-proċess ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid. Ikun aħjar jekk tali tikketta tiġi inkluża f’tikketta dwar l-ekodisinn tal-prodotti, bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva 2005/32/KE;

jew tista’ toħroġ direttiva settorjali ad hoc, bħal meta l-Kummissjoni ħarġet proposta għal direttiva dwar l-ittikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil (13).

4.7   Il-Kumitat iqis li jkun aktar utli li tinżamm l-effikaċja tad-Direttiva 92/75/KE filwaqt li jittejbu u jiġu pperfezzjonati l-mekkaniżmi dinamiċi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, forsi permezz ta’ test standards aktar dettaljati, iżda il-karatteristiċi proprji tagħha għandhom jinżammu intatti.

4.8   Il-Kumitat jappoġġja l-estensjoni tal-iskema tal-Ittikkettar Enerġetiku għal prodotti oħra li jużaw l-enerġija peress li l-messaġġ huwa ċar u trasparenti, jista’ jitqabbel faċilment fis-suq u għandu l-potenzjal li jsir għodda ta’ marketing ta’ suċċess. Għal prodotti jew servizzi oħra li ma jużawx enerġija iżda huma relatati mal-konsum tal-enerġija, għodod ta’ informazzjoni oħra, bħall-iskemi volontarji li diġà japplikaw fil-livell Ewropew għal ċerti prodotti, huma aktar xierqa.

4.9   Il-Kumitat diġà esprima l-appoġġ tiegħu għall-proposti għal inċentivi mingħajr ma jinkisru r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (14).

4.10   Rigward id-dispożizzjonijiet proposti dwar l-akkwist pubbliku, il-Kumitat iqis li r-regoli vinkolanti li ġew proposti għandhom jiġu evalwati aktar bir-reqqa sabiex jiġu evitati spejjeż eċċessivament għaljin għall-implimentazzjoni.

4.10.1   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jemmen li l-Istati Membri għandhom jingħataw flessibbiltà adegwata billi jiġu introdotti standards indikattivi tal-prestazzjoni għall-prodotti u bilanċ xieraq bejn l-iskemi volontarji – b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku – u regoli vinkolanti, li jagħmlu l-aħjar użu mill-iskop li jiġu inklużi kriterji ambjentali fis-sejħiet għal offerti pubbliċi li diġà huma provduti fid-Direttiva 2004/18/KE.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Is-suġġett ta’ din ir-riformulazzjoni.

(2)  Ara l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija COM(2006)545.

(3)  COM(2006) 545 finali.

(4)  COM(2008) 397 finali.

(5)  L-opinjoni CESE 337/2009, 25 ta' Frar 2009 dwar “Il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli”, rapporteur: is-Sur Espuny Moyano.

(6)  Ara r-riċerka tal-Kunsill Nazzjonali tal-Konsumatur (UK, 2003) Green Choice, What Choice?, li stqarr li s-sistema attwali ta’ informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tħawwad lill-konsumatur.

(7)  Ara l-opinjoni CESE dwar “Il-Produzzjoni Ekoloġika”, rapporteur: is-Sinjura Darmanin, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1.

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar. ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16. (Mhux disponibbli bil-Malti)

(9)  Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE. ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(10)  Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta’ tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir tal-uffiċċju (verżjoni mfassla mill-ġdid) ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1.

(11)  Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-ekotikketta Komunitarja. ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

(12)  Ara punt 1.3 tal-opinjoni CESE dwar “Il-Produzzjoni Ekoloġika”, rapporteur: is-Sinjura Darmanin, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1.

(13)  Ara COM(2008) 779 finali u l-opinjoni CESE 620/2009, 25 ta' Marzu 2009, dwar “It-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil”, rapporteur: is-Sur Ranocchiari.

(14)  Ara l-opinjoni CESE 337/2009, dwar “Il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli”, rapporteur: is-Sur Espuny Moyano – Punt 3.5: “Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni …”.


22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/95


Opinjoni al-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dar il-Proposta għal Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm “Marco Polo” għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (“Marco Polo II”)

COM(2008) 847 finali – 2008/0239 (COD)

2009/C 228/18

Nhar it-12 ta’ Frar 2009, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 71(1) u 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm ‘Marco Polo’ għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (‘Marco Polo II’)

Nhar it-13 ta’ Jannar 2009 is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni ġiet inkarigata mill-Bureau tal-Kumitat sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu 2009) li jaħtar lis-Sur LIOLIOS bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’97 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-politika tal-Kummisjoni Ewropea sabiex iż-żieda inevitabbli u prevista tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tiġi trasferita għal mezzi oħra ta’ trasport, filwaqt li jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ pjanijiet ambizzjużi u l-inadegwatezza tar-riżorsi disponibbli għal dan il-għan.

1.2

Il-Kumitat jaqbel mal-proposti li ġejjin dwar il-miżuri sabiex jiġi emendat ir-Regolament:

1.2.1

l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI) għandha tiġi nkarigata mill-ġestjoni tal-programm;

1.2.2

il-limiti tal-eliġibbiltà li japplikaw għall-proġetti għandhom jitnaqqsu u jiġu ssemplifikati;

1.2.3

l-intensità massima tal-finanzjament għall-proġetti għandha tirdoppja, minn EUR 1 għal EUR 2 għal kull 500 tunnellati-kilometri (tkm) evitati jew trasferiti mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport;

1.2.4

għandhom jiġu stabbiliti limiti partikolarment baxxi għall-proġetti tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni;

1.2.5

l-intrapriżi individwali għandhom jitħallew iressqu talba għal finanzjament;

1.2.6

il-limitu speċifiku ta’ 10 % għall-proġetti bil-għan li jevitaw it-traffiku għandu jitneħħa;

1.2.7

l-element ta’ trasport għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-bidla modali;

1.2.8

il-kundizzjonijiet għall-finanzjament għall-infrastrutturi anċillari għandhom jiġu ssemplifikati.

1.3

Il-Kumitat jemmen li l-programm Marco Polo mhuwiex jikseb bis-sħiħ l-objettivi oriġinarjament stabbiliti u għaldaqstant mhux qed jintuża kif suppost. B’mod partikolari jinnota li l-baġit allokat għall-programm (EUR 60 miljun) għandu mnejn ma jkunx biżżejjed biex ikopri trasferiment ta’ 25 miljun tunnellati-kilometri. Fid-dawl tat-tfaddil sostanzjali mill-ispejjeż esterni (EUR 9.15), il-Kumitat jemmen li għandha tingħata aktar attenzjoni lit-tfittxija tar-riżorsi meħtieġa biex tiġi trasferita l-ikbar kwantità possibbli ta’ tunnellati-kilometri mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport u biex jinkisbu l-objettivi ta’ prestazzjoni oriġinarjament stabbiliti. Hu x’inhu l-każ, huwa evidenti li l-ispiża tal-opportunità (opportunity cost) għas-soċjetà ġenerali hija ħafna ikbar mis-sussidju dirett mgħoti lill-intrapriżi. Kif enfasizza fl-opinjonijiet tiegħu 842/2002 u 247/2005, il-Kumitat jemmen li matul il-programm il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-baġit b’mod favorevoli bil-għan li jinstabu l-finanzi addizzjonali meħtieġa f’każ li jitressaq numru akbar minn dak previst ta’ pjanijiet ta’ azzjoni xierqa.

1.4

Il-Kumitat kien sorpriż li r-regolament il-ġdid ma jistipula l-ebda appoġġ jew rimborż għall-intrapriżi ż-żgħar għat-tressiq tal-proposti, għalkemm dan ġie propost u huwa msemmi fl-analiżi tal-impatt. Il-Kumitat jiddispjaċih li din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx adottata iżda fl-istess ħin jipproponi l-estensjoni ta’ din il-miżura għall-intrapriżi ż-żgħar peress li jemmen li l-istess argumenti japplikaw ukoll fil-każ tagħhom u li jiġġarrbu spejjeż konsiderevoli għat-tħejjija ta’ dawn il-proposti.

1.5

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tidher lesta li tnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni u l-finanzjament ta’ proposta. Madankollu, jemmen li f’ambjent intraprenditorjali li jinbidel b’ritmu mgħaġġel, fejn huwa importanti li jkun hemm reazzjoni mill-ewwel għall-iżviluppi tas-suq, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-evalwazzjoni, l-approvazzjoni u l-finanzjament ta’ kull proposta permezz ta’ miżuri bħal evalwazzjonijiet minn qabel tal-proposti u l-istandardizzazzjoni parzjali tal-proċess ta’ evalwazzjoni.

1.6

Il-Kumitat iqis li l-firxa ġeografika tal-proposti li tressqu u li ġew iffinanzjati mhijiex ideali, peress li la taqdi l-objettivi tal-UE u lanqas tikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-trasport intermodali b’mod ugwali fost l-Istati Membri tal-UE. Għaldaqstant jipproponi li dan l-approċċ jiġi żviluppat aktar filwaqt li jitqiesu l-problemi tal-Istati tan-Nofsinhar u taż-żoni tal-Mediterran. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li għandhom jitqiesu l-iżvantaġġi inerenti ta’ ċerti pajjiżi, bħal pereżempju n-nuqqas ta’ netwerk ferrovjarju estensiv, kosta twila jew l-insularità, b’tali mod li l-intrapriżi f’dawn il-postijiet ikollhom il-possibbiltà li jressqu proposti.

1.7

Il-Kumitat itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li għandu jsir studju dwar l-istrateġiji ta’ “zero stockholding” u ta’ “stock in circulation” bil-għan li jiġi analizzat jekk għandhomx effett jew le fuq il-promozzjoni tal-mezzi sostenibbli ta’ trasport. Il-prattika ta’ “zero stockholding” tippromovi t-trasport tal-merkanzija bit-triq li jaffettwa l-konsum tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent. Jeħtieġ li l-katina kollha tal-provvista tiġi analizzata f’dan il-kuntest.

1.8

Il-KESE jemmen li għandna napprofittaw ruħna mill-għarfien miksub mill-intrapriżi fis-settur tat-trasport bit-triq billi ninvolvuhom b’mod attiv fil-programmi tal-bidla modali mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport. Għal dan il-għan, ġie propost li dawn jiġu infurmati b’mod kontinwu u li jiġu megħjuna jimmodifikaw il-mudelli li jkunu adottaw u li jużaw fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom.

1.9

Il-Kumitat jemmen li peress li r-riżorsi finanzjarji disponibbli ma ntużawx kollha, il-Kummissjoni għandha tgħolli l-limitu ta’ finanzjament (minn 35 % attwalment applikabbli għall-miżuri marbuta mal-bidla modali, is-servizzi tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, l-azzjoni b’effett ta’ katalist, l-awtostradi tal-baħar u l-evitar tat-traffiku u 50 % għat-tagħlim komuni għal 50 % u 70 % rispettivament). Din ir-reviżjoni hija neċessarja fil-każ tal-intrapriżi ż-żgħar li, bil-kontra tal-intrapriżi l-kbar, għandhom spejjeż fissi aktar kbar meta mqabbla mal-ispejjeż varjabbli tagħhom. B’mod partikolari fil-każ tal-azzjonijiet b’effett ta’ katalist, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiżdied is-sussidju, minn EUR 2 għal kull tunnellata-kilometru għal EUR 3, peress li dawn huma soluzzjonijiet innovattivi, li jħallu impatt pożittiv fuq il-bidla modali tat-trasport tal-merkanzija mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport u li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika.

1.10

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal għadd ta’ “gwidi Ewropej” għall-utenti kollha, b’kull lingwa tal-UE, dwar il-pjattaformi intermodali tal-UE li jiddeskrivu wkoll il-karatteristiċi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll tniedi l-azzjonijiet indispensabbli kollha biex tagħmel lin-nies aktar konxji dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament, ir-riżultati tal-proġetti li twettqu u l-vantaġġi għall-benefiċjarji, kemm dawk intermedjarji kif ukoll dawk aħħarin. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tħejji pjanijiet speċifiċi biex tippromovi u tkabbar il-viżibbiltà tal-programm. Għal dan il-għan, jipproponi li jorganizzaw flimkien konferenzi, ġranet bil-għan li titqajjem kuxjenza f’dan il-qasam u kampanji ta’ informazzjoni.

1.11

Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi studjata l-possibbiltà li fil-proġetti eliġibbli għal appoġġ taħt il-programm Marco Polo jiġu inklużi inizjattivi dwar it-trasport tas-sustanzi likwidi permezz ta’ katusi jew dwar it-trasport tal-gass lejn terminals ta’ trasbord jew ta’ trasport ikkombinat.

1.12

Il-Kumitat jenfasizza li hemm bżonn ta’ analiżi aktar iddettaljata tas-sitwazzjoni attwali fis-settur tat-trasport marittimu (il-passaġġi tal-ilma interni) peress li l-adozzjoni ta’ sistemi intermodali hija diffiċli minħabba l-frammentazzjoni tas-suq. Din is-sitwazzjoni toħroġ fid-dieher mill-fatt li l-miżuri relatati mal-awtostradi tal-baħar ma ġabrux biżżejjed applikazzjonijiet (9 % biss tal-proposti fl-2007 u 4 % fl-2008) u b’hekk il-proposti li ġew approvati kienu ftit, jekk xejn, bħal ma ġara fl-2008.

1.13

Il-Kumitat jemmen li l-perjodu speċifiku ta’ 36 xahar għall-azzjonijiet ta’ bidla modali huwa qasir wisq u jipproponi li jiżdied għal 48 xahar.

1.14

Il-Kumitat iqis li għandha tiġi analizzata l-possibbiltà li jiġu appoġġjati proġetti fuq skala nazzjonali li għandhom l-għan li jagħmlu l-intermodalità aktar prattikabbli u li jtejbu l-bidla modali. Fil-fatt, jista’ jagħti l-każ li miżuri lokali li japplikaw fi Stat Membru wieħed ikunu ta’ benefiċċju għall-utenti kollha tal-mezzi ta’ trasport ikkonċernati li jgħaddu minn dak il-pajjiż.

1.15

Il-Kumitat jaqbel li jitwessa’ l-ambitu tal-applikazzjoni tal-programm biex jinkludi pajjiżi terzi, kemm pajjiżi kandidati kif ukoll dawk li mhumiex, u jinnota li l-programm jista’ biss ikopri dawk l-ispejjeż marbuta mal-azzjonijiet imwettqa f’dawn il-pajjiżi jekk il-benefiċċji jkunu immedjati u jkunu jistgħu jitkejlu għal Stat Membru tal-UE partikolari.

1.16

Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jiġi ppubblikat, mill-aktar fis possibbli, rapport dwar il-proġetti li ġew implimentati b’suċċess u dwar l-iffrankar tar-riżorsi li rnexxilhom jiksbu. Inizjattiva bħal din tagħti l-possibbiltà li jiġu evalwati l-programm u l-firxa tar-riżultati miksuba s’issa.

1.17

Il-Kumitat ifakkar li l-Kummissjoni għadha ma stednitx lill-Istati Membri jelenkaw in-netwerks kollha eżistenti li ġew abbandunati jew li ma jintużawx ħafna u li jistgħu jerġgħu jintużaw mill-ġdid għat-trasport tal-merkanzija. Dan japplika b’mod partikolari għal-linji tal-ferrovija iżda wkoll għan-netwerks tat-trasport marittimu u fuq il-passaġġi tal-ilma interni. Jekk dan iseħħ inkunu nistgħu nipprovdu rotot iqsar u li jirrispettaw l-iżvilupp sostenibbli meta mqabbla mat-trasport bit-triq.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Taqsira tal-konklużjonijiet tal-KESE dwar il-programmi Marco Polo I u Marco Polo II.

2.1.1

Fl-opinjonijiet tiegħu 842/2002 (tas-17 u t-18 ta’ Lulju 2002) u 247/2005 (tad-9 ta’ Marzu 2005) dwar il-proposti għal Regolament dwar “Marco Polo II” u “Marco Polo II”, il-Kumitat enfasizza d-dgħufijiet tal-programm u, peress li qies li l-objettivi tal-Kummissjoni għall-bidla modali mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport ma setgħux jinkisbu, ippropona li d-dispożizzjonijiet jiġu kkumplimentati minn miżuri konkreti. Iż-żewġ opinjonijiet jinkludu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

2.1.1.1

l-infrastrutturi għall-bidla modali (pereżempju terminals u infrastruttura għall-aċċess) għandhom jiġu ffinanzjati minn fondi pubbliċi,

2.1.1.2

kumitat ta’ ġestjoni għandu jiġi inkarigat mill-monitoraġġ kontinwu tal-azzjonijiet bil-għan li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa f’nofs it-terminu tal-programm “Marco Polo”,

2.1.1.3

għandu jiġi awtorizzat il-finanzjament ta’ proġetti li jinvolvu azzjonijiet anki fi Stat Membru wieħed biss, sakemm l-impatt ta’ dawn il-proġetti jkun ta’ benefiċċju għall-utenti kollha tat-trasport internazzjonali fi tranżitu mill-Istat Membru kkonċernat,

2.1.1.4

għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex il-proġetti eliġibbli taħt il-programm “Marco Polo” jinkludu azzjonijiet li jinvolvu t-trasport fl-ajru u t-trasport bil-katusi sakemm dawn ikunu assoċjati ma’ mezzi oħra ta’ trasport,

2.1.1.5

għandhom jitnaqqsu l-limiti ta’ għajnuna għal kull azzjoni,

2.1.1.6

għandu jiżdied iż-żmien massimu għat-twettiq ta’ azzjonijiet marbuta mal-bidla modali,

2.1.1.7

għandha titfassal “Gwida Ewropea” għall-utenti kollha dwar il-pjattaformi multimodali kollha tal-UE u l-karatteristiċi tagħhom,

2.1.1.8

għandha tinħoloq kategorija speċifika, b’limitu ta’ sussidju mnaqqas għal EUR 500 000 peress li t-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni ma jistgħax jitqabbel mat-trasport marittimu, fejn l-investiment meħtieġ jiddependi mid-daqs tal-bastimenti.

2.1.2

Il-Kumitat esprima wkoll ix-xewqa li flimkien mal-Kummissjoni jipparteċipa fi studju dwar it-tneħħija gradwali tal-prattika ta’ “zero stockholding” u l-adozzjoni tal-prattika ta’ “stock in circulation” meta l-kunsinni ma jkunux daqshekk urġenti.

2.2   Rapport ta’ evalwazzjoni

Il-Kumitat jilqa’aċir l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni talbet mingħand espert estern (1); u jixtieq isemmi għadd ta’ punti li ma ġewx indirizzati fid-dettall fl-evalwazzjoni.

In-numru ta’ proposti li jitressqu qiegħed dejjem jonqos (minn 92 fl-2003 għal 63 fl-2004, 62 fl-2005 u 48 fl-2006) filwaqt li n-numru tal-proposti adottati u ffinanzjati għadu ftit jew wisq l-istess, bejn 12 sa 15.

ta’ min wieħed jinnota li l-bidla modali fl-aħħar kisbet 75 % tar-riżultat oriġinarjament mistenni mill-proġetti ffinanzjati: il-proġetti ferrovjarji kellhom rata ta’ suċċess ta’ 99 % filwaqt li l-proġetti marbuta mal-passaġġi tal-ilma interni kisbu biss 45 % tal-objettivi inizjali.

Il-ksib ta’ 64 % tal-objettivi ta’ bidla modali lil hinn mit-toroq taħt il-programm Marco Polo jirrapreżenta biss 5.8 % tat-trasport tal-merkanzija kollha bit-triq fil-livell tat-trasport internazzjonali fit-toroq fl-Unjoni Ewropea: li hija bidla żgħira ħafna.

Il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti, mill-bidu sal-iffirmar tal-kuntratt, jitqies bħala kumpless, mhux trasparenti u li jieħu l-ħin, b’mod partikolari ż-żmien bejn in-negozjati u l-iffirmar ta’ kuntratt. Ħafna nies iqisu li l-kriterji għall-għażla tal-proġetti huma ċari u trasparenti, iżda dan ma jgħoddx għall-proċedura fejn jingħataw il-punti skont dawn il-kriterji u għall-proposta finali dwar il-proġetti magħżula.

Il-limiti minimi meħtieġa huma għoljin wisq għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u ma jħeġġux it-tnedija ta’ mezzi ġodda ta’ trasport intermodali; din is-sitwazzjoni twassal sabiex ikun hemm għadd żgħir ta’ proġetti minn intrapriżi kbar minflok għadd kbir ta’ proġetti minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Approċċ immirat għall-SMEs jista’ għaldaqstant jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-konġestjoni fit-toroq fil-livell reġjonali u lokali.

Minħabba n-nuqqas ta’ proposti għal proġetti marbuta mas-sejħa li tnediet fis-settur tal-awtostradi tal-baħar, ġie suġġerit li proġetti ta’ dan it-tip jiġu segwiti u li nħeġġu l-parteċipazzjoni fit-twettiq tagħhom.

Ġie propost li l-aspett tal-kontribut għat-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq jingħata aktar attenzjoni.

3.   Kummenti

Il-Kumitat jiddispaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma qisietx ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li ressaq fiż-żewġ opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett, li setgħu jikkontribwixxu għal żieda fl-effiċjenza tal-programm, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni esterna; u jilqa’aċir il-fatt li, minkejja d-dewmien, dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-aħħar ġew appoġġjati. B’mod partikolari, il-Kumitat jagħmel il-kummenti li ġejjin:

3.1   Fl-1 ta’ Marzu 2008, il-ġestjoni tal-programm tħalliet f’idejn l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (EACI), bħall-programmi Komunitarji oħra. Il-Kumitat jaqbel ma’ dil-miżura iżda jemmen li xorta waħda għandha tiġi akkumpanjata mill-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jnaqqsu l-piżijiet burokratiċi u li jħeġġu istituzzjonijiet oħra jagħtu sehemhom.

3.2   B’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness I, punt 2d) tar-Regolament Nru 1692/2006, il-Kummissjoni ser tirdoppja l-intensità massima tal-finanzjament biex minn EUR 1 għal kull 500 tunnellati-kilometri li jiġu evitati jew trasferiti mit-toroq għal mezzi oħra ta’ trasport tiżdied għal EUR 2. Il-Kumitat jemmen li l-irduppjar ta’ dan is-sussidju huwa meħtieġ jekk irridu niżviluppaw aktar il-programm Marco Polo peress li t-tnaqqis fl-ispejjeż esterni u l-benefiċċji soċjali u ambjentali huma ħafna akbar mill-ammont ta’ dan il-finanzjament.

3.3   L-intrapriżi individwali għandhom jitħallew iressqu talba għal finanzjament. Jekk inħallu l-intrapriżi jressqu proġetti b’mod individwali nkunu qed niċċaraw u nissemplifikaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-benefiċjarji. Il-Kumitat jaqbel ma din l-inizjattiva u jtenni li għandu jkun possibbli li jiġu inklużi proġetti li jinvolvu Stat Membru wieħed biss, dejjem sakemm dan inaqqas it-trasport bit-triq.

3.4   Għandhom jiġu stabbiliti limiti partikolarment baxxi għall-proġetti tat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni. Ser jiġi stabbilit limitu aktar baxx speċifikament għall-proġetti bil-għan li jiksbu bidla modali tat-trasport tal-merkanzija permezz tal-passaġġi tal-ilma interni, kif ġej:

Tip ta’ proġett

Limiti attwali

Limiti proposti

It-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni

17-il miljun tunnellata-kilometru

Il-Kumitat jinsab kuntent li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar it-tnaqqis tal-limiti ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari għat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni, fl-aħħar ġew aċċettati u jemmen li din il-bidla ser tiġbed aktar proġetti.

3.5   Ir-rimborż tal-ispejjeż marbuta mat-tfassil tal-proposti lill-mikrointrapriżi. Il-mikrointrapriżi, li jikkaratterizzaw it-trasport fit-toroq u fuq il-passaġġi tal-ilma interni, ser jirċievu rimborż fiss tal-ispejjeż marbuta mat-tfassil tal-proposti bil-għan li jiġu mħeġġa jressqu talbiet għal finanzjament. Il-Kumitat kien sorpriż li r-regolament il-ġdid ma jistipula l-ebda għajnuna għall-intrapriżi ż-żgħar għat-tfassil ta’ proposti, għalkemm dan ġie propost u msemmi fl-analiżi tal-impatt.

3.6   Il-limiti tal-eliġibbiltà li japplikaw għall-proġetti għandhom jitnaqqsu u jiġu ssemplifikati. Is-semplifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ ċerti limiti jattiraw proġetti ġodda iżgħar u jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-programm. Dan jidher fit-tabella li ġejja:

Tip ta’ proġett

Limiti attwali

Limiti proposti

Il-bidla modali

250 miljun tkm

EUR 500 000

80 miljun tkm

It-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma interni

17-il miljun tunnellata-kilometru

Effett katalist

EUR 2 miljuni

30 miljun tkm

It-tagħlim komuni

EUR 250 000

EUR 250 000